ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 264

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
13 ta' Awwissu 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 264/01

Rata tal-kambju tal-euro

1

2014/C 264/02

Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2014 rigward abbozz ta’ deċiżjoni rigward il-Każ M.6992 — Hutchison 3G UK/Telefónica Ireland — Relatur: IL-FINLANDJA

2

2014/C 264/03

Ir-Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta — Hutchison 3G UK/Telefónica Ireland (M.6992)

4

2014/C 264/04

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Mejju 2014 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim taż-ŻEE (Il-Każ M.6992 — Hutchison 3G UK/Telefónica Ireland) (notifikata bid-dokument C(2014) 3561 final)  ( 1 )

6

 


 

(1)   Test b'rilevanza għaż-ŻEE

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

13.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-12 ta’ Awwissu 2014

2014/C 264/01

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3346

JPY

Yen Ġappuniż

136,49

DKK

Krona Daniża

7,4555

GBP

Lira Sterlina

0,79550

SEK

Krona Żvediża

9,1817

CHF

Frank Żvizzeru

1,2138

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,2425

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,845

HUF

Forint Ungeriż

314,44

LTL

Litas Litwan

3,4528

PLN

Zloty Pollakk

4,2060

RON

Leu Rumen

4,4378

TRY

Lira Turka

2,8893

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4406

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4614

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,3450

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5835

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6693

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 372,34

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

14,2288

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,2170

HRK

Kuna Kroata

7,6328

IDR

Rupiah Indoneżjan

15 596,35

MYR

Ringgit Malażjan

4,2671

PHP

Peso Filippin

58,620

RUB

Rouble Russu

48,2382

THB

Baht Tajlandiż

42,842

BRL

Real Brażiljan

3,0458

MXN

Peso Messikan

17,6134

INR

Rupi Indjan

81,8110


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


13.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/2


Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2014 rigward abbozz ta’ deċiżjoni rigward il-Każ M.6992 — Hutchison 3G UK/Telefónica Ireland

Relatur: IL-FINLANDJA

2014/C 264/02

Konċentrazzjoni

1.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-operazzjoni nnotifikata tikkostitwixxi konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

2.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni nnotifikata għandha dimensjoni tal-Unjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Definizzjoni tas-suq

3.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mad-definizzjonijiet tal-Kummissjoni tas-suq tal-prodott u s-suq ġeografiku rilevanti fl-abbozz tad-Deċiżjoni.

4.

B’mod partikolari, il-Kumitat Konsultattiv jaqbel li għandhom jiġu identifikati s-swieq li ġejjin:

is-suq Irlandiż tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli lill-konsumaturi finali (is-suq tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut tat-telekomunikazzjonijiet mobbli),

is-suq Irlandiż tal-aċċess bl-ingrossa u l-oriġini tas-sejħiet f’netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli,

is-suq Irlandiż bl-ingrossa tar-roaming internazzjonali,

is-suq Irlandiż bl-ingrossa għat-terminazzjoni tas-sejħiet bil-mowbajl.

Effetti Orizzontali

5.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-operazzjoni proposta x’aktarx twassal għal effetti orizzontali mhux ikkoordinati, li jimpedixxu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq Irlandiż tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli lill-konsumaturi finali (is-suq tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut tat-telekomunikazzjoni mobbli) minħabba:

(a)

it-tneħħija ta’ forza kompetittiva importanti.

(b)

it-tnaqqis ta’ kompetizzjoni minn Eircom minħabba l-possibbiltà ta’ tfixkil jew it-terminazzjoni tal-ftehim eżistenti dwar il-kondiviżjoni tan-netwerk bejn Eircom u O2.

6.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li ma hemmx bżonn li tittieħed deċiżjoni finali fuq jekk hemmx il-probabbiltà li l-operazzjoni proposta twassal għal tfixkil sinifikanti ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq għal aċċess għan-netwerk bl-ingrossa u l-oriġini tas-sejħiet mobbli fl-Irlanda, billi l-impenji proposti mill-Parti Notifikanti fir-rigward tas-suq bl-imnut se tindirizza wkoll kull tħassib potenzjali fis-suq bl-ingrossa.

Minoranza ma taqbilx.

7.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li ma hemmx bżonn li tittieħed deċiżjoni finali fuq jekk hemm il-probabbiltà li l-operazzjoni proposta twassal għal effetti orizzontali koordinat fuq is-suq Irlandiż tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut tat-telekomunikazzjonijiet mobbli, peress li l-impenji proposti mill-Parti Notifikanti biex tindirizza effetti mhux koordinati fuq dan is-suq jeskludu wkoll il-possibbiltà ta’ effetti koordinati fuq is-suq tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut tat-telekomunikazzjonijiet mobbli Irlandiżi.

Minoranza ma taqbilx.

Effetti vertikali

8.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-operazzjoni proposta x’aktarx ma twassalx għal effetti vertikali li jimpedixxu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fi:

is-suq bl-ingrossa Irlandiż għar-roaming internazzjonali,

is-suq bl-ingrossa Irlandiż għat-terminazzjoni tas-sejħiet bil-mowbajl.

Rimedju

9.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-impenji finali offruti mill-Parti Notifikanti fis-6 ta’ Mejju 2014 jindirizzaw it-tħassib rigward il-kompetizzjoni identifikat mill-Kummissjoni fis-suq Irlandiż għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli lill-konsumaturi finali.

Minoranza ma taqbilx u minoranza tastjeni.

10.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li, bil-kundizzjoni ta’ konformità sħiħa mal-impenji finali, it-tranżazzjoni nnotifikata mhix probabbli li timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu.

Minoranza ma taqbilx u minoranza tastjeni.

11.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni nnotifikata trid għalhekk tiġi dikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE skont l-Artikoli 2(2) u 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE.

Minoranza ma taqbilx u minoranza tastjeni.


13.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/4


Ir-Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Hutchison 3G UK/Telefónica Ireland

(M.6992)

2014/C 264/03

Introduzzjoni

1.

Fl-1 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) li permezz tagħha l-impriża Hutchison 3G UK Holdings Limited, ikkontrollata minn Hutchison Whampoa Limited (flimkien il-“Parti Notifikanti”), se tikseb skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll tal-impriża Telefónica Ireland Limited (“O2”) kollha, permezz tax-xiri ta’ ishma (it-“Tranżazzjoni Proposta”). Il-Parti Notifikanti u O2 flimkien se jkunu riferuti bħala “l-Partijiet”.

2.

Fis-6 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Il-Parti Notifikanti ssottomettiet kummenti bil-miktub fl-20 ta’ Novembru 2013 u kkomplementathom b’sottomissjoni dwar l-effiċjenzi fid-29 ta’ Novembru 2013.

Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet

3.

Fit-30 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”), fejn hija waslet għall-fehma preliminari li t-Tranżazzjoni Proposta tista’ timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva f’parti sostanzjali tas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

4.

Il-Partijiet kif ukoll il-kumpanija prinċipali ta’ O2, Telefónica S.A., ngħataw sat-13 ta’ Frar 2014 biex iwieġbu għad-DO. Id-DĠ Kompetizzjoni estenda l-iskadenza għat-tweġiba għad-DO u l-Parti Notifikanti wieġbet fit-18 ta’ Frar 2014. Fit-tweġiba tagħha, il-Parti Notifikanti talbet l-opportunità li tiżviluppa l-argumenti tagħha f’seduta formali.

Aċċess għall-fajl

5.

Il-Parti Notifikanti rċeviet aċċess għall-fajl permezz ta’ CD-ROM fil-31 ta’ Jannar 2014 u sussegwentement, fis-6 u l-21 ta’ Frar 2014, fit-28 u l-31 ta’ Marzu 2014, u fis-16 ta’ Mejju 2014.

6.

Fl-4 ta’ Frar 2014, il-Parti Notifikanti ssottomettiet talba lid-DĠ Kompetizzjoni għal aċċess ulterjuri għall-fajl, li hija estendiet għal dokumenti addizzjonali fis-6 ta’ Frar 2014. Id-DĠ Kompetizzjoni tratta din it-talba b’mod effettiv, billi ta lill-Parti Notifikanti aċċess ulterjuri għal ħafna mid-dokumenti mitluba.

7.

Jien ma rċevejt l-ebda ilment mingħand il-Partijiet dwar l-aċċess għall-fajl. Għalhekk, jien inqis li d-drittijiet proċedurali tagħhom f’dan ir-rigward ġew osservati.

Persuni terzi interessati

8.

Fuq talba tagħhom, jien segwejt lil Eircom, Vodafone, Liberty Global, BT u Tesco Ireland biex jinstemgħu bħala persuni terzi interessati fil-proċedimenti attwali. Ippermettejt ukoll, fuq talba tiegħu, lid-Dipartiment tal-Komunikazzjoni, l-Enerġija u r-Riżorsi Naturali tal-Irlanda (“DCENR”) sabiex jinstema’ bħala persuna terza interessata.

9.

Il-persuni terzi interessati kollha talbu l-opportunità li jipparteċipaw fis-seduta formali. Stedint lil Eircom, Vodafone, Liberty Global, BT u Tesco Ireland li jesprimu l-fehmiet tagħhom waqt is-seduta formali. Stedint ukoll lid-DCENR u lill-Kummissjoni Irlandiża għar-Regolamentazzjoni tal-Komunikazzjoni sabiex jattendu s-seduta formali bħala awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Għaqdiet (3).

Seduta orali

10.

Is-seduta orali sar fil-25 ta’ Frar 2014. Il-Parti Notifikanti u O2 kull wieħed talbu u ngħataw sessjoni magħluqa għal partijiet mill-preżentazzjonijiet rispettivi tagħhom. Kemm il-Parti Notifikanti kif ukoll O2 qablu fuq il-preżenza ta’ konsulenti esterni tal-parti l-oħra matul is-sessjonijiet magħluqa rispettivi tagħhom.

Ittra tal-Fatti

11.

Fid-19 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni infurmat lill-Parti Notifikanti f’Ittra tal-Fatti dwar evidenza addizzjonali identifikata wara l-adozzjoni tad-DO li appoġġat il-konklużjonijiet preliminari milħuqa fid-DO u li jistgħu jiġu invokati fid-deċiżjoni finali. Il-Parti Notifikanti wieġbet għall-Ittra tal-Fatti fit-30 ta’ Marzu u fl-1 ta’ April 2014.

Rimedji

12.

Sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni imqajjem mill-Kummissjoni fid-DO, il-Parti Notifikanti fit-3 ta’ Marzu 2014 issottomettiet l-ewwel sett ta’ impenji, u fis-17 u d-19 ta’ Marzu 2014 settijiet riveduti ta’ impenji, li l-Kummissjoni ttestjat fis-suq fid-19 ta’ Marzu 2014. Fit-8 ta’ April 2014, il-Parti Notifikanti ssottomettiet impenn rivedut, li l-Kummissjoni ttestjat fuq is-suq fl-istess data. Il-Parti Notifikanti ssottomettiet sett finali ta’ impenji fis-6 ta’ Mejju 2014.

Konklużjoni

13.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jien eżaminajt jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jindirizzax biss l-oġġezzjonijiet rigward liema l-Partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, u jien wasalt għal konklużjoni pożittiva.

14.

Kollox ma’ kollox, nikkonkludi li l-partijiet kollha setgħu jeżerċitaw effettivament id-drittijiet proċedurali tagħhom f’dan il-każ.

Brussell, it-23 ta’ Mejju 2014.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”), ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”), ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 802/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”) (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1).


13.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/6


SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ Mejju 2014

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim taż-ŻEE

(Il-Każ M.6992 — Hutchison 3G UK/Telefónica Ireland)

(notifikata bid-dokument C(2014) 3561 final)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

2014/C 264/04

Fit-28 ta’ Mejju 2014 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1) , u b’mod partikolari l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-Regolament. Verżjoni mhux-kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa tista’ tinstab fil-lingwa awtentika tal-każ fuq il-websajt tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   IL-PARTIJIET

(1)

Hutchison 3G UK Holdings Limited (ir-Renju Unit) hija kumpanija sussidjarja indiretta b’sjieda sħiħa ta’ Hutchison Whampoa Limited (Ħong Kong), kumpanija konglomerata, bil-kwartieri tagħha f’Ħong Kong. Hutchison Whampoa Limited hija attiva fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet mobbli Irlandiż permezz tas-sussidjarja indiretta tagħha Hutchison 3G Ireland Limited (“Three”). Three huwa l-iktar operatur tan-netwerk tal-mobajl riċenti (“MNO”) li daħal fis-suq u l-iktar li qed jikber malajr mill-erba’ MNO Irlandiżi. Hija toffri s-servizzi tagħha taħt l-isem kummerċjali “3”. Apparti minn Three, Hutchison Whampoa Limited hija wkoll proprjetarja ta’ MNO f’ħames Stati Membri oħrajn, jiġifieri l-Awstrija, id-Danimarka, l-Italja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

(2)

Telefónica Ireland Limited (“O2”) hija kumpanija sussidjarja indiretta b’sjieda sħiħa ta’ Telefónica S.A., il-kumpanija prinċipali tal-grupp ta’ Telefónica. Il-grupp ta’ Telefónica huwa wieħed mill-akbar fornituri tan-netwerks mobbli tad-dinja. O2 hija t-tieni l-akbar MNO tal-Irlanda u tbiegħ is-servizzi tagħha taħt il-marka kummerċjali “O2” u s-sottoditta “48”. Għandha wkoll is-sjieda ta’ 50 % ta’ Tesco Mobile Ireland, il-50 % l-oħra huma sjieda ta’ Tesco Ireland.

II.   L-OPERAZZJONI

(3)

Fl-1 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet li permezz tagħha Hutchison 3G UK Holdings Limited, ikkontrollata minn Hutchison Whampoa Limited, tikseb skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll tal-impriża O2 kollha permezz tax-xiri ta’ ishma.

(4)

Il-konċentrazzjoni se tiġi implimentata skont it-termini ta’ ftehim ta’ bejgħ u xiri tat-22 ta’ Ġunju 2013 bejn il-kumpaniji prinċipali ta’ O2 u Hutchison 3G UK Holdings Limited. Skont dan il-ftehim, Hutchison 3G UK Holdings Limited se tixtri l-ishma kollha f’O2 (“il-fużjoni”). Jekk il-fużjoni tiġi kompluta, H3G se takkwista l-kontroll esklussiv fuq O2, li jirriżulta f’bidla ta’ kontroll fuq bażi dejjiema. Għaldaqstant il-fużjoni tikkostitwixxi konċentrazzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Il-fużjoni ġiet notifikata minn Hutchison 3G UK Holdings Limited li, wara n-notifika, innominat lil Hutchison 3G Ireland Finance Limited li takkwista l-ishma ta’ O2. Hutchison 3G Ireland Finance Limited hija kumpanija sussidjarja indiretta b’sjieda sħiħa ta’ Hutchison Whampoa Limited. Din il-bidla fl-entità li takkwista lil O2 għalhekk ma għandha l-ebda effett fuq il-kontroll tal-impriżi rilevanti jew il-ġuriżdizzjoni tal-Kummissjoni biex teżamina l-fużjoni.

III.   SOMMARJU

A.   IS-SWIEQ RILEVANTI

(5)

B’konformità ma’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li jikkonċernaw swieq għal servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli u l-fehmiet tal-parti notifikanti, is-swieq tal-prodotti rilevanti ġew definiti kif ġej:

(a)

is-suq għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli lil klijenti finali (“is-suq tal-konsumaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli”);

(b)

is-suq bl-ingrossa għal aċċess u oriġini tat-telefonati fuq inetwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli (“is-suq bl-ingrossa għal aċċess u oriġini tat-telefonati”);

(c)

is-suq bl-ingrossa għar-roaming internazzjonali; kif ukoll

(d)

is-suq bl-ingrossa għat-terminazzjoni tat-telefonati bil-mowbajl.

(6)

Ir-raġunijiet sottostanti d-definizzjoni tal-ewwel żewġ swieq, li huma primarjament affettwati f’dan il-każ, huma stabbiliti hawn taħt.

1.   Is-suq tal-konsumaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli

(7)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq tal-konsumaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli huwa suq ta’ prodotti rilevanti f’dan il-każ. F’deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li jeżisti suq wieħed ġenerali għal servizzi tal-konsumaturi tat-telekomunikazzjoni mobbli. Dan huwa s-suq li fih MNO u operaturi tan-netwerk virtwali mobbli (“MVNO”) jbigħu servizzi tal-leħen u tad-dejta lil klijenti finali permezz ta’ netwerk mobbli. F’deċiżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma qasmitx aktar dan is-suq skont it-tip ta’ klijent (klijenti kummerċjali jew privati), skont it-tip ta’ servizz (mħallas wara jew minn qabel), jew skont it-tip ta’ teknoloġija tan-netwerk (2G/GSM jew 3G/UMTS). Il-Kummissjoni qatt ma kienet sabet li jeżisti suq separat għal servizzi għad-dejta biss.

(8)

F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkunsidrat jekk segmenti differenti tas-suq tal-konsumaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli jikkostitwixxu swieq separati. Il-Kummissjoni rrieżaminat is-segmenti ta’ ħlas wara u minn qabel, il-vuċi (inklużi tal-vuċi/tad-dejta), il-broadband mobbli (dejta biss) u segmenti tas-servizzi tagħmir għal tagħmir (“M2M”) u s-segmenti tal-klijenti privati u kummerċjali. Wara r-riżultati tal-investigazzjoni tagħha f’dan il-każ u skont id-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq globali jikkonsisti f’diversi segmenti iżda dawn is-segmenti ma jikkostitwixxux swieq tal-prodott separati.

(9)

B’konformità ma’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u l-opinjonijiet tal-parti notifikanti, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq ġeografiku rilevanti jikkorrispondi għat-territorju tal-Irlanda.

2.   Is-suq bl-ingrossa għall-aċċess u l-oriġini tat-telefonati fuq netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli

(10)

Fuq dan is-suq, l-MNO jbiegħu l-aċċess għan-network tagħhom u l-kapaċità li jsiru t-telefonati (“oriġini tat-telefonati”) lil MVNO. L-MNO huma proprjetarji tan-netwerk mobbli u jikkostitwixxu n-naħa tal-provvista tas-suq, filwaqt li l-MVNO li jfittxu aċċess jikkostitwixxu n-naħa tad-domanda tas-suq. B’konformità ma’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar swieq rilevanti tal-11 ta’ Frar 2003 u l-fehmiet tal-parti notifikanti, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-suq bl-ingrossa għall-aċċess u l-oriġini tat-telefonati fuq in-netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli huwa suq ta’ prodotti rilevanti f’dan il-każ.

(11)

Netwerks mobbli li għalihom l-MNO jagħtu aċċess lill-MVNO għandhom dimensjoni nazzjonali minħabba li l-liċenzji tal-ispettru jingħataw għat-territorju tal-Irlanda. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li s-suq ġeografiku rilevanti għas-suq bl-ingrossa għall-aċċess u l-oriġini tat-telefonati fuq in-netwerks pubbliċi tat-telefonija mobbli jikkorrispondi għat-territorju tal-Irlanda.

B.   IL-VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

(12)

Three u O2 huma tnejn mill-erba’ MNO preżenti fuq is-suq tal-konsumaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli u s-suq bl-ingrossa għall-aċċess u l-oriġini tat-telefonati fl-Irlanda. Dawn is-swieq huma swieq oligopolistiċi kkaratterizzati minn livell għoli ta’ konċentrazzjoni u ostakoli għolja għad-dħul.

(13)

Il-fużjoni proposta tnaqqas l-għadd ta’ MNO fl-Irlanda minn erbgħa għal tlieta. Hija twassal għal struttura tas-suq b’żewġ MNO b’pożizzjoni b’saħħitha simili, Vodafone u l-entità fuża, it-tnejn b’sehem mis-suq ta’ madwar 40 %, segwiti mit-tielet kompetitur iktar imbiegħed, Eircom, b’sehem mis-suq ta’ kważi 20 %. Filwaqt li l-fużjoni proposta ma twassalx għall-ħolqien jew it-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti (unika) tal-entità fuża, il-Kummissjoni tikkonkludi li din tirriżulta f’impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva fuq is-suq tal-konsumatur tat-telekomunikazzjoni mobbli u, potenzjalment, fuq is-suq bl-ingrossa għall-aċċess għan-netwerk u l-oriġini tat-telefonati fl-Irlanda.

1.   Test ġuridiku

(14)

Ir-Regolament dwar l-Għaqdiet jirrikonoxxi li fi swieq oligopolistiċi, huwa meħtieġ aktar li tinżamm kompetizzjoni effettiva. Dan hu minħabba l-konsegwenzi iktar sinifikanti li l-fużjonijiet jista’ jkollhom fuq tali swieq. Għal din ir-raġuni, ir-Regolament dwar l-Għaqdiet jipprovdi li taħt ċerti ċirkostanzi, konċentrazzjonijiet li jinvolvu, l-ewwel nett, l-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet importanti li l-partijiet li jingħaqdu kienu eżerċitaw fuq xulxin, u, it-tieni, tnaqqis ta’ pressjoni kompetittiva fuq il-kompetituri li jifdal jistgħu jirriżultaw f’impediment sinifikanti għal kompetizzjoni effettiva, anki fin-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ koordinazzjoni bejn il-membri ta’ oligopolija (2).

(15)

Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni ta’ fużjonijiet orizzontali (“Linji Gwida dwar l-Għaqdiet Orizzontali”) (3) jiddistingwu bejn żewġ modi prinċipali li bihom il-fużjonijiet bejn kompetituri attwali jew potenzjali fl-istess suq rilevanti jistgħu b’mod sinifikanti jimpedixxu l-kompetizzjoni effettiva, jiġifieri effetti mhux koordinati u koordinati. Effetti mhux koordinati jistgħu b’mod sinifikanti jimpedexxu l-kompetizzjoni effettiva billi jeliminaw restrizzjonijiet kompetittivi importanti fuq ditta waħda jew aktar, li b’konsegwenza kienu jżidu l-qawwa fis-suq, mingħajr ma jirrikorru għal aġir ikkoordinat. F’dan ir-rigward, il-Linji Gwida dwar l-Għaqdiet Orizzontali jikkunsidraw mhux biss it-telf dirett tal-kompetizzjoni bejn id-ditti fużi, iżda wkoll it-tnaqqis fil-pressjoni kompetittiva fuq ditti mhux fużi fl-istess suq li setgħu jiġu miġjuba mill-fużjoni (4).

(16)

Bl-applikazzjoni tat-test ġuridiku stabbilit fir-Regolament tal-Għaqdiet għall-fużjoni proposta, il-Kummissjoni vvalutat jekk il-fużjoni tistax timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva billi telimina limitazzjoni importanti bejn Three u O2, u billi tnaqqas il-pressjoni kompetittiva fuq il-kompetituri li jifdal fis-swieq rilevanti.

2.   Ishma tas-suq

(17)

L-Irlanda għandha madwar 5,6 miljun abbonat tal-mowbajl, li jiddependu fuq is-servizzi ta’ wieħed mill-erba’ MNO tal-Irlanda: Vodafone, O2, Eircom u Three. Fl-2013, Vodafone kienet l-attur ewlieni fis-suq b’sehem mis-suq ta’ 38 % fost l-abbonati u 44 % tad-dħul. O2, inkluża Tesco Mobile, kienet it-tieni l-ikbar operatur b’sehem mis-suq ta’ 31 % fost l-abbonati u 28 % tad-dħul. Eircom kellha sehem mis-suq ta’ 19 % fost l-abbonati u 18 % tad-dħul. Fl-aħħar nett, Three kellha sehem mis-suq ta’ 10 % fost l-abbonati u 10 % tad-dħul.

(18)

Il-fużjoni tnaqqas l-għadd ta’ MNO fl-Irlanda minn erbgħa għal tlieta u tgħaqqad it-tieni attur mar-raba’ attur. Ir-riżultat ikun suq li jkun fih żewġ MNO kbar ta’ bejn wieħed u ieħor l-istess daqs. Vodafone u l-entità fuża jkollhom sehem mis-suq ta’, rispettivament, 44 % u 38 % mid-dħul, u 38 % u 41 % mill-abbonati. Eircom ikun attur terz imbiegħed, b’sehem mis-suq ta’ 18 % tad-dħul u 19 % fost l-abbonati.

(19)

F’termini ta’ tkabbir tas-sehem mis-suq, bejn l-2005 u l-2008, Vodafone u O2 tilfu l-abbonati filwaqt li Eircom u Three kisbu l-abbonati. Vodafone stabbilizzat is-sehem tal-abbonati tagħha fl-2009 (jiġifieri, ma baqgħetx titlef l-abbonati) u l-istess għamlet Eircom (jiġifieri, Eircom ma baqgħetx iżżid l-abbonati). O2 (wara ftit snin ta’ stabbiltà bejn l-2008 u l-2010) bdiet titlef l-abbonati mill-ġdid. Three ilha kontinwament iżżid l-abbonati mid-dħul fis-suq tagħha fl-2005.

3.   Probabbiltà limitata ta’ dħul suffiċjenti minn MNO u/jew MVNO

(20)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa improbabbli li kompetitur ġdid jidħol fis-suq bħala MNO fis-sentejn jew tliet snin li ġejjin.

(21)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dħul minn MVNO jidher aktar faċli, peress li ma hemmx bżonn li jibni n-netwerk tiegħu stess iżda jibbaża fuq MNO ieħor għall-aċċess. Madankollu, il-Kummissjoni kellha tħassib li l-MVNO se jsibuha iktar diffiċli biex jidħlu fis-suq wara l-fużjoni, minħabba t-tnaqqis fl-għadd ta’ ospitanti tal-MVNO u l-inċentivi mnaqqsa tal-entità fuża biex jagħtu aċċess għall-operaturi. Barra minn hekk, id-dħul preċedenti minn MVNO wera li huwa diffiċli għal MVNO li jiksbu sehem mis-suq għoli biżżejjed u jaffettwaw l-imġiba ta’ MNO oħra. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li dħul ulterjuri ta’ MVNO, anki jekk dan kellu jseħħ, ma jkunx suffiċjenti waħdu sabiex jinnega l-effetti negattivi tal-eliminazzjoni tal-erba’ MNO mis-suq.

4.   Il-fużjoni se telimina qawwa kompetittiva importanti mis-suq tal-konsumaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli

Is-suq globali

(22)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk Three bħalissa hijiex qawwa kompetittiva importanti fis-suq tal-konsumaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli Irlandiz. B’mod partikolari, il-Kummissjoni eżaminat il-pressjoni kompetittiva eżerċitata minn Three fuq is-suq, inkluża l-qawwa tas-suq tagħha, l-istrateġija ta’ tkabbir u r-reazzjoni minn kompetituri tas-suq tal-konsumaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli globali. Il-Kummissjoni stabbilixxiet li minn mindu daħlet fis-suq, Three kienet tassew kompetittiva sabiex tkabbar il-bażi tal-klijenti tagħha. L-istrateġija kompetittiva ta’ Three tidher li hija l-aktar iffukata fuq strateġija bi tliet elementi, jiġifieri (i) offerti tad-dejta uniċi inkluża d-dejta “All You Can Eat” (“AYCE”), (ii) kwoti attraenti jew illimitati tal-minuti u tal-pakketti tal-messaġġi, u (iii) ipprezzar ewlieni fis-suq/tagħmir b’xejn u pjanijiet ta’ tariffi kompetittivi.

(23)

Ir-rwol ta’ Three bħala qawwa kompetittiva importanti fuq is-suq tal-konsumaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli Irlandiż huwa bbażat fuq għadd ta’ indikaturi, inklużi:

(a)

Dokumenti interni ta’ Three u ta’ O2, kif ukoll dokumenti u sottomissjonijiet tal-kompetituri;

(b)

Stħarriġ indipendenti kkummissjonat mill-partijiet għall-fużjoni; kif ukoll

(c)

It-tariffi attraenti u kompetittivi ta’ Three kif muri mit-tqabbil dwar it-tariffi tal-Kummissjoni stess, it-tqabbil tad-dejta mir-regolatur tat-telekomunikazzjoni Irlandiż, u d-dokumenti interni ta’ Three stess.

(24)

Il-Kummissjoni wettqet paragun ta’ tariffi mħallsin bil-quddiem u dawk imħallsin wara sabiex tivvaluta t-talba tal-parti notifikanti li t-tariffi fl-Irlanda ma jappoġġawx il-konklużjoni li Three hija qawwa kompetittiva importanti. Hija sabet li t-tariffi ta’ Three kienu kompetittivi u konsistenti mal-konklużjoni li Three teżerċita restrizzjoni kompetittiva importanti fuq O2 u l-MNO l-oħra.

(25)

Il-Kummissjoni esplorat ir-reputazzjoni tad-ditta ta’ Three u vvalutat it-talbiet tal-parti notifikanti li, abbażi tar-reputazzjoni u l-għarfien tad-ditta, Three ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala qawwa kompetittiva importanti. Il-Kummissjoni sabet li r-reputazzjoni tad-ditta ta’ Three ma għandhiex impatt negattiv fuq il-kompetittività ta’ Three sa tali livell li hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala qawwa kompetittiva importanti fuq is-suq tal-konsumaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli.

(26)

Abbażi tal-investigazzjoni u l-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat li Three bħalissa hija qawwa kompetittiva importanti, li trażżan lil O2 u l-bqija tal-kompetituri fuq is-suq tal-konsumaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli.

Segmenti ta’ attività

(27)

Wara l-analiżi fuq is-suq tal-konsumaturi globali, il-Kummissjoni eżaminat ir-rwol ta’ Three f’segmenti speċifiċi, b’mod partikolari s-segment tal-broadband mobbli, is-segment ta’ ħlas wara, is-segment ta’ ħlas bil-quddiem u s-segment kummerċjali.

(28)

Il-Kummissjoni sabet li Three hija qawwa kompetittiva importanti fis-segment tal-broadband mobbli, li fih hija l-kompetitur ewlieni fis-suq b’sehem mis-suq ta’ [35-40 %], u fis-segmenti ta’ ħlas wara u ta’ ħlas bil-quddiem. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkonkludiet li fis-segment kummerċjali Three għadha mhix qawwa kompetittiva importanti.

Kundizzjonijiet fin-nuqqas ta’ fużjoni

(29)

Il-Kummissjoni vvalutat l-imġiba probabbli ta’ Three u O2 fin-nuqqas ta’ fużjoni u kkonkludiet li Three u O2 x’aktarx jibqgħu jikkompetu b’mod vigoruż.

Inċentivi tal-entità fuża biex tikkompeti wara l-fużjoni

(30)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-inċentivi tal-entità fuża biex tikkompeti jkunu aktar dgħajfa minn dawk ta’ Three u O2 qabel il-fużjoni. L-ewwel nett, il-fużjoni telimina l-kompetizzjoni bejn iż-żewġ MNO separati. Qabel il-fużjoni Three u O2 huma limitati inter alia minn xulxin peress li xi abbonati jistgħu jaqilbu minn waħda għall-oħra f’każ ta’ żieda fil-prezz. Din ir-restrizzjoni kompetittiva li Three u O2 jimponu fuq xulxin tintilef bħala riżultat tal-fużjoni. It-tieni nett, il-fużjoni se żżid il-bażi tal-klijenti ta’ Three. Din se tagħti lill-entità fuża inqas inċentivi biex toffri tariffi attraenti biex tikseb klijenti ġodda, peress li trid toffri dawn it-tariffi attraenti lill-bażi tal-klijenti kollha tagħha. Fi kliem ieħor, l-entità fuża se tiffoka aktar fuq iż-żamma tal-klijenti milli fuq it-tkabbir.

(31)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll l-argumenti tal-parti notifikanti li l-fużjoni tirriżulta f’netwerk ta’ kwalità ogħla. Hija kkonkludiet li kemm Three kif ukoll O2 kellhom biżżejjed kapaċità u inċentiva biex jikkompetu mingħajr il-fużjoni u li, fi kwalunkwe każ, l-effetti ta’ kwalita allegati mill-parti notifikanti x’aktarx li ma jseħħux.

Reazzjoni probabbli ta’ kompetituri wara l-fużjoni

(32)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni vvalutat ir-reazzjoni tal-kompetituri wara l-fużjoni. Il-Kummissjoni kkunsidrat li Vodafone ma jkollhiex l-inċentiv biex timpenja ruħha f’kompetizzjoni aggressiva tal-prezzijiet mal-entità fuża. Għall-kuntrarju, Vodafone x’aktarx ikollha l-inċentiv, wara żieda fil-prezz mill-entità fuża, biex hi wkoll iżżid il-prezzijiet tagħha. Is-sitwazzjoni ta’ Eircom hija kkunsidrata fit-taqsima 5 hawn taħt.

Valutazzjoni kwantitattiva ta’ effetti mhux koordinati orizzontali

(33)

Il-Kummissjoni wettqet ukoll valutazzjoni kwantitattiva tal-effetti fuq il-prezzijiet li probabbilment ikun hemm minħabba l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet fużi. Is-simulazzjoni tal-Kummissjoni pprevediet li MNO fl-Irlanda, bħala medja, jgħollu l-prezzijiet għal offerti tal-vuċi mobbli u tad-dejta/tal-vuċi kkombinati b’6 % fis-segment privat ta’ ħlas wara u b’4 % fis-suq kollu. Din l-istima kienet ibbażata fuq każ bażi bl-użu tal-marġini ta’ kontribuzzjoni bħala miżura għal marġini. F’xenarju ta’ sensittività bbażat fuq marġini inkrementali, iż-żidiet fil-prezzijiet medji previsti korrispondenti kienu ta’ 4 % fis-segment privat ta’ ħlas wara u 3 % fis-suq kollu.

Konklużjoni dwar it-tneħħija ta’ qawwa kompetittiva importanti

(34)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-fużjoni x’aktarx li telimina qawwa kompetittiva importanti mis-suq tal-konsumaturi tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli b’żewġ modi:

(a)

Il-fużjoni se tnaqqas l-għadd ta’ MNO fl-Irlanda minn erbgħa għal tlieta u se telimina l-kompetizzjoni li attwalment teżisti bejn Three u O2, li jipprovdi lill-entità fuża b’inċentiv biex iżżid il-prezz.

(b)

Barra minn hekk, Three bħalissa hija kompetitur importanti fl-Irlanda fuq il-prezz u s-servizzi tad-dejta llimitata. L-istrateġija kummerċjali tagħha hija li tkabbar kemm is-sehem tal-abbonati kif ukoll is-sehem tad-dħul tagħha minħabba (i) il-bażi tal-iskala u tal-abbonati limitata tagħha u (ii) l-ispejjeż baxxi biex takkwista klijenti addizzjonali minħabba l-kapaċità żejda disponibbli li tipprovdi inċentivi b’saħħithom biex tikber billi tikkompeti b’mod vigoruż. Iż-żieda fil-bażi tal-abbonati li tirriżulta mit-tranżazzjoni se tinvolvi inċentiv ulterjuri biex jiżdiedu l-prezzijiet.

(35)

Dawn l-inċentivi għal żieda fil-prezz mill-entità fuża mhumiex probabbli li jiġu kkumpensati mill-kompetituri, li min-naħa tagħhom x’aktarx li jgħollu l-prezzijiet tagħhom ukoll.

5.   Il-fużjoni x’aktarx tnaqqas il-kompetizzjoni minn Eircom fis-swieq tal-konsumaturi u bl-ingrossa

(36)

Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-fużjoni se tagħti lill-entità fuża l-kapaċità u l-inċentiv li xxekkel jew tittermina l-ftehim ta’ kondiviżjoni tan-netwerk “Mosaic” eżistenti bejn Eircom u O2. Dan il-ftehim ta’ kondiviżjoni tan-netwerk għandu implikazzjonijiet importanti għall-ispejjeż u l-kopertura tan-netwerk ta’ Eircom u huwa importanti sabiex Eircom tkun tista’ tikkompeti b’mod effettiv fis-snin li ġejjin. L-abilità mnaqqsa ta’ Eircom li jikkompeti bħala r-riżultat tat-terminazzjoni probabbli tal-ftehim “Mosaic” x’aktarx li twassal għal inqas kompetizzjoni fuq is-swieq mobbli tal-konsumaturi u bl-ingrossa Irlandiżi.

(37)

Il-fużjoni se twassal ukoll għal bidliet fil-parteċipazzjoni tal-ispettru, bl-entità fuża tgħaqqad l-ispettru li preċedentement kien miżmum minn Three u O2. Il-Kummissjoni kkunsidrat li din il-bidla hija improbabbli li jkollha effetti antikompetittivi.

6.   Effetti probabbli fuq is-suq bl-ingrossa għall-aċċess għan-netwerk u l-oriġini tat-telefonati

(38)

Barra mis-suq tal-konsumaturi, O2 u Three huma attivi fuq is-suq bl-ingrossa għall-aċċess għan-netwerk u l-oriġini tat-telefonati. Is-suq bl-ingrossa Irlandiż jinsab fil-fażi ta’ żvilupp tiegħu b’erba’ MVNO preżenti sal-lum. Madankollu, hemm interess ċar minn parteċipanti potenzjali biex iniedu MVNO ġodda fil-futur.

(39)

Abbażi tar-riżultati tal-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tikkunsidra li kemm O2 kif ukoll Three bħalissa huma fornituri importanti tal-aċċess għan-netwerk bl-ingrossa fl-Irlanda. Flimkien, huma jospitaw tlieta mill-erba’ MVNO preżenti fl-Irlanda u huma involuti f’negozjati ma’ MVNO potenzjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis fl-għadd ta’ fornituri tal-aċċess għan-netwerk wara l-fużjoni x’aktarx li jnaqqas is-setgħa ta’ negozjar ta’ MVNO fil-proċess ta’ negozjar. Barra minn hekk, l-entità fuża x’aktarx li jkollha inqas inċentivi biex tospita MVNO fuq termini kummerċjalment attraenti minn Three u O2 fin-nuqqas tal-fużjoni. Fl-aħħar nett, it-tnaqqis fil-kompetizzjoni fis-suq bl-ingrossa mhux probabbli li jiġi kkumpensat minn bidliet potenzjali fl-imġiba tal-kompetituri li jifdal, Eircom u Vodafone.

(40)

Is-sejbiet ta’ hawn fuq juru li l-fużjoni tista’ twassal għal tfixkil sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq bl-ingrossa għal aċċess għan-netwerk mobbli u l-oriġini tat-telefonati fl-Irlanda. Madankollu, ma hemmx bżonn li tittieħed deċiżjoni finali f’dan ir-rigward, billi l-impenji proposti mill-parti notifikanti biex jindirizzaw it-tħassib identifikat dwar is-suq tal-konsumaturi se jsaħħu l-kapaċità ta’ Eircom biex tospita MVNO, jippermettu d-dħul ta’ żewġ MVNO ġodda, u b’hekk jindirizzaw kull effett negattiv fuq is-suq bl-ingrossa.

7.   Effetti kkoordinati fis-suq tal-konsumaturi għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni mobbli

(41)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li xi elementi jissuġġerixxu li l-fużjoni se tagħmel il-koordinazzjoni iktar probabbli u sostenibbli, iżda wkoll li indikazzjonijiet li l-koordinazzjoni xorta se tkun diffiċli li tiġi sostnuta.

(42)

Fost l-elementi li se jagħmlu l-koordinazzjoni iktar probabbli u sostenibbli huwa l-fatt li l-fużjoni tneħħi lil Three mir-rwol tagħha ta’ kumpanija li taġixxi għal rasha mis-suq u tirriżulta f’suq b’żewġ kompetituri kbar b’ishma mis-suq simili. Barra minn hekk, il-koordinazzjoni fuq il-prezzijiet tal-konsumatur tista’ tkun possibbli minħabba li l-prezzijiet huma trasparenti biżżejjed. Devjazzjoni mit-termini ta’ kordinazzjoni tista’ tiġi individwata immedjatament, peress li l-maġġoranza tal-prezzijiet tal-konsumatur huma disponibbli pubblikament. Mekkaniżmu deterrenti jista’ jikkonsisti f’ritorn għall-kompetizzjoni.

(43)

Min-naħa l-oħra, wara l-fużjoni Eircom xorta se jkollha inċentiv biex ma ssegwix kwalunkwe koordinazzjoni, peress li hija ħafna iżgħar u x’aktarx li jkollha struttura tal-ispejjeż differenti miż-żewġ kompetituri ikbar minnha.

(44)

Il-Kummissjoni ma kellhiex bżonn li tikkonkludi dwar jekk, kollox ma’ kollox, il-koordinazzjoni tkunx aktar probabbli milli ma tkunx, minħabba li l-impenji proposti mill-parti notifikanti biex tirrimedja l-effetti mhux koordinati tal-fużjoni fuq is-suq tal-konsumatur Irlandiż jeskludu wkoll il-possibbiltà li t-tranżazzjoni twassal għal effetti koordinati fis-suq tal-konsumatur Irlandiż. L-ewwel nett, l-impenji se jsaħħu l-kapaċità ta’ Eircom li tikkompeti, billi jagħmlu aktar probabbli li Eircom tfixkel kwalunkwe koordinazzjoni ta’ wara l-fużjoni. It-tieni, l-impenji se jippermettu żewġ MVNO li jidħlu fis-suq Irlandiż. Dawn l-MVNO se jkunu xtraw ammont fiss ta’ kapaċità tan-netwerk u mhumiex se jħallsu lill-MNO ospitanti tagħhom fuq bażi “pay-as-you-go”. Bħala riżultat, l-MVNO se jkollhom inċentiv qawwi biex jimlew il-kapaċità tan-netwerk mixtrija. Biex jagħmlu dan, huma x’aktarx li jikkompetu fuq il-prezz, li jdgħajjef kull koordinazzjoni.

8.   Nuqqas ta’ setgħa ta’ kontrobilanċ min-naħa tax-xerrej

(45)

Il-Kummissjoni ssib li hemm probabbiltà li ma jkunx hemm biżżejjed setgħa ta’ kontrobilanċ min-naħa tax-xerrej biex tikkumpensal-effetti negattivi potenzjali fuq is-suq tal-konsumatur u l-effetti negattivi potenzjali fuq is-suq bl-ingrossa.

9.   Effiċjenzi

(46)

Skont il-parti notifikanti, il-fużjoni tiġġenera tliet tipi ta’ effiċjenzi: (1) effiċjenzi tal-iskala; (2) effiċjenzi tal-użu tal-4G (magħruf ukoll bħala LTE) u (3) effiċjenzi relatati mal-kopertura ta’ żoni skarsament popolati. Il-Kummissjoni vvalutat jekk dawn l-effiċjenzi mbassra jissodisfawx it-tliet kriterji kumulattivi tal-verifikabbiltà, l-ispeċifiċità tal-fużjoni u l-benefiċċju għall-konsumaturi.

(47)

Il-konklużjoni ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-argumenti tal-parti notifikanti dwar l-effiċjenzi tal-iskala kienet din li ġejja:

(a)

L-ammont ta’ effiċjenzi tal-iskala verifikabbli huwa inqas minn dak ippreżentat mill-parti notifikanti.

(b)

L-effiċjenzi tal-iskala relatati man-netwerk mhumiex probabbli li jkunu speċifiċi għall-fużjoni peress li O2 u Eircom minn naħa waħda u Vodafone u Three min-naħa l-oħra kienu waslu biex jimplimentaw ftehimiet dwar il-kondiviżjoni tan-netwerk u jiksbu ffrankar fl-ispejjeż simili.

(c)

L-effiċjenzi tal-iskala huma relatati ma’ spejjeż fissi u probabbilment ma jiġux trasferiti lill-konsumaturi.

(48)

Il-Kummissjoni ma aċċettatx ukoll l-effiċjenzi mbassra tal-parti notifikanti relatati mal-użu tal-4G (LTE). Dawn l-effiċjenzi mbassra ma setgħux jitqiesu verifikabbli u/jew speċifiċi għall-fużjoni, peress li, fin-nuqqas tal-fużjoni, O2 kienet tniedi netwerk 4G kompetittiv komparabbli ma’ dak li l-entità fuża tippjana li tuża.

(49)

Fir-rigward tal-kopertura taż-żona mmirata mill-Iskema tal-Broadband Nazzjonali tal-Gvern Irlandiż b’servizzi broadband mobbli, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-benessri addizzjonali tal-klijent minħabba l-fużjoni ma tkunx materjali u insuffiċjenti sabiex jiġu ssuperati l-effetti antikompetittivi tal-fużjoni.

IV.   IMPENJI

(50)

Sabiex tindirizza t-tħassib tal-kompetizzjoni, il-parti notifikanti ssottomettiet diversi settijiet ta’ impenji fit-3 ta’ Marzu, fid-19 ta’ Marzu u fit-8 ta’ April 2014. Il-Kummissjoni wettqet żewġ testijiet tas-suq, imnedija fid-19 ta’ Marzu u fit-8 ta’ April 2014. Abbażi tar-riżultati ta’ dawn it-testijiet tas-suq u r-rispons mill-Kummissjoni, il-parti notifikanti ssottomettiet sett finali ta’ impenji fis-6 ta’ Mejju 2014 (5).

A.   DESKRIZZJONI TAL-IMPENJI PROPOSTI

(51)

Is-sett finali tal-impenji jinkludi żewġ elementi: (i) impenn ta’ dħul ta’ MVNO li jikkonsisti minn offerta biex jingħata aċċess għan-netwerk lil żewġ MVNO skont mudell ibbażat fuq il-kapaċità, b’għażla għal kwalunkwe wieħed miż-żewġ MVNO ġodda li jiksbu spettru minn Three; u (ii) impenn ta’ Eircom li jikkonsisti f’offerta biex jiġi konkluż ftehim ta’ kondiviżjoni tan-netwerk rieżaminat ma’ Eircom.

1.   Impenn ta’ dħul tal-MVNO

(52)

L-impenn ta’ dħul finali tal-MVNO jikkonsisti f’dan li ġej:

Il-parti notifikanti timpenja ruħha li toffri aċċess għan-netwerks bl-ingrossa skont mudell tal-MVNO bbażat fuq il-kapaċità. Dan ifisser li MVNO jħallas miżata fissa għal kapaċità fissa, imkejla f’termini ta’ frekwenza, fejn l-MVNO ġodda jiksbu “pajp” dedikat min-netwerk tal-entità fuża għal kull traffiku tal-vuċi u tad-dejta,

Il-parti notifikanti timpenja ruħha li tikkonkludi tali żewġ ftehimiet ta’ kapaċità:

l-ewwel ftehim ma’ MVNO li jkun approvat mill-Kummissjoni qabel il-parti notifikanti jista’ jimplimenta l-fużjoni ma’ O2 (“l-Ewwel MVNO”). Dan il-ftehim ta’ kapaċità jkun konkluż għal kapaċità minima ta’ […] % tal-kapaċità tan-netwerk tal-entità fuża,

it-tieni ftehim ma’ tieni MVNO (“it-Tieni MVNO”) għal kapaċità minima ta’ […] % tal-kapaċità tan-netwerk tal-entità fuża. Il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kapaċità mat-Tieni MVNO hija kundizzjoni għall-fużjoni tal-parti notifikanti ma’ O2. Jekk Three ma tikkonkludix ftehim mat-Tieni MVNO f’perjodu ta’ żmien speċifikat, fiduċjarju taċ-ċessjoni jbigħ il-kapaċità minima ta’ […] % f’isem Three,

Sabiex id-dħul minn żewġ MVNO jkun attraenti, il-kapaċità u l-prezz li dawn l-MVNO ġodda jħallsu jistgħu jiġu stabbiliti skont rotta raġonevoli għall-ewwel ħames snin tal-ftehim tal-kapaċità,

It-tul taż-żewġ ftehimiet ta’ kapaċità huwa ta’ ħames snin, bil-possibbiltà li jiġi estiż it-terminu tal-ftehim għal ħames snin oħra skont il-mudell tal-MVNO bbażat fuq il-kapaċità,

L-Ewwel MVNO u t-tieni MVNO jistgħu jżidu kull wieħed l-allokazzjoni tal-kapaċità inizjali tagħhom sa limitu massimu ta’ 15 % tal-kapaċità tan-netwerk tal-entità fuża matul il-mandat ta’ ħames snin inizjali jew sussegwenti. Il-miżata annwali fissa li għandha titħallas mill-MVNO mbagħad tiżdied proporzjonalment,

Il-kapaċità li hi disponibbli kemm għall-Ewwel MVNO kif ukoll it-Tieni MVNO hija kkalkulata bħala proporzjon tal-kapaċità tan-netwerk totali tal-entità fuża u tista’ tiżdied jekk din tal-aħħar tikber.

(53)

Il-parti notifikanti timpenja ruħha wkoll li toffri li tbigħ l-ispettru jew lill-Ewwel MVNO jew lit-Tieni MVNO (iżda mhux lit-tnejn), sabiex tippermetti lil xi wieħed minn dawn l-MVNO li jiżviluppa f’MNO. Il-parti notifikanti timpenja ruħha li tbigħ żewġ blokok ta’ 1 800 MHz frekwenza u żewġ blokok ta’ 2 100 MHz frekwenza. Barra minn hekk, il-parti notifikanti timpenja ruħha li tbigħ blokka waħda ta’ 900 MHz frekwenza. L-għażla għall-MVNO li jiksbu dan l-ispettru hija valida għal 10 snin mill-1 ta’ Jannar 2016.

2.   Impenn ta’ Eircom

(54)

L-impenn ta’ Eircom jikkonsisti f’offerta unilaterali mill-parti notifikanti lil Eircom biex temenda u ssaħħaħ il-ftehim ta’ kondiviżjoni tan-netwerk eżistenti ta’ Eircom ma’ O2. Three tingħaqad mal-ftehim u t-termini tiegħu jiġu rieżaminati, fost oħrajn biex tiżdied ir-rata tal-konsolidazzjoni tas-sit.

B.   VALUTAZZJONI TAL-IMPENJI FINALI

(55)

Abbażi tal-valutazzjoni tagħha, u filwaqt li qieset ir-riżultati taż-żewġ testijiet tas-suq, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sett finali ta’ impenji jindirizzaw bis-sħiħ it-tħassib dwar il-kompetizzjoni.

(56)

Fir-rigward tal-impenn tad-dħul tal-MVNO, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-mudell tal-MVNO propost ibbażat fuq il-kapaċità joħloq inċentiv b’saħħtu għall-MVNO l-ġdid biex jimla l-kapaċità tan-netwerk mixtrija tiegħu billi jakkwista l-klijenti b’mod aggressiv. Dan il-mudell tal-MVNO jirrepplika mill-qrib l-istruttura tal-ispejjeż bħala MNO. Il-proposta tiżgura wkoll li ż-żewġ MVNO l-ġodda jiksbu perċentwal sinifikanti mill-kapaċità tal-entità fuża (mill-anqas […] % u potenzjalment sa total ta’ 30 %).

(57)

Barra minn hekk, l-għażla tal-MNO tbaxxi wieħed mill-ostakoli ewlenin għad-dħul tal-MNO, jiġifieri d-disponibbiltà ta’ spettru adegwat. B’hekk, jipprovdi opportunità għal waħda miż-żewġ MVNO ġodda biex isiru MNO.

(58)

Fl-aħħar nett, l-impenn ta’ Eircom jiżgura li l-abbiltà ta’ Eircom li tikkompeti mhux se titnaqqas bit-terminazzjoni jew it-tfixkil tal-ftehim ta’ kondiviżjoni tan-netwerk Mosaic wara l-fużjoni. Dan jippermetti lil Eircom biex tikkompeti b’mod effettiv.

V.   KONKLUŻJONI

(59)

Għar-raġunijiet imsemmijin hawn fuq, id-deċiżjoni kkonkludiet li l-konċentrazzjoni proposta mhijiex se xxekkel il-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’xi parti sostanzjali minnu b’mod sinifikanti.

(60)

Għaldaqstant, il-konċentrazzjoni kienet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim taż-ŻEE, skont l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  Il-Premessa 25 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(3)  Il-Linji Gwida fuq l-istima jew kalkolu tal-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU C 31, 5.2.2004, p. 5).

(4)  Il-Linji Gwida dwar l-Għaqdiet Orizzontali, il-paragrafu 24.

(5)  L-impenji ppreżentati fis-6 ta’ Mejju 2014 kienu ffirmati mill-parti notifikanti, Hutchison 3G UK Holdings Limited. Fit-22 ta’ Mejju 2014, il-parti notifikanti ssottomettiet impenji riveduti li kienu sostanzjalment l-istess bħall-impenji tas-6 ta’ Mejju 2014 iżda kienu wkoll iffirmati minn Hutchison 3G Ireland Holdings Limited, il-kumpanija prinċipali ta’ Three wara ristrutturar li seħħ wara n-notifika.