ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 214

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
8 ta' Lulju 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-496 sessjoni plenarja tal-KESE tas-26 u s-27 ta' Frar 2014

2014/C 214/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn żvilupp territorjali iżjed bilanċjat fl-UE (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

1

2014/C 214/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-produzzjoni integrata fl-Unjoni Ewropea (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

8

2014/C 214/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

13

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-496 sessjoni plenarja tal-KESE tas-26 u s-27 ta' Frar 2014

2014/C 214/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ denunzja standard tal-VATCOM(2013) 721 final – 2013/0343(CNS)

20

2014/C 214/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali COM(2013) 554 final – 2013/0268 (COD)

25

2014/C 214/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa. COM(2013) 654 final

31

2014/C 214/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għall-ApprendistatiCOM(2013) 857 final

36

2014/C 214/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfiefCOM(2013) 761 final – 2013/0371 (COD)

40

2014/C 214/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 rigward l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta' Kjoto tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-KlimaCOM(2013) 769 final – 2013/0377 (COD)

44

2014/C 214/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014COM(2013) 800 final

46

2014/C 214/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-InformatikaCOM(2013) 932 final – 2010/0095 (COD)

55

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-496 sessjoni plenarja tal-KESE tas-26 u s-27 ta' Frar 2014

8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn żvilupp territorjali iżjed bilanċjat fl-UE”(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 214/01

Relatur: is-Sur NILSSON

Nhar id-9 ta’ Lulju 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Lejn żvilupp territorjali iżjed bilanċjat fl-UE.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Frar 2014.

Matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’230 vot favur, 4 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

“Ħalli tgħix l-Ewropa kollha” ġiet ipproklamata waqt l-ewwel “Parlament Rurali Ewropew” (forum għall-organizzazzjonijiet rurali Ewropej u nazzjonali), ospitat mill-KESE fit-13 ta’ Novembru 2013. Bil-politiki adatti, iż-żoni rurali jistgħu jistagħnew u jikkontribwixxu – daqs il-bliet – għall-benessri tal-Ewropa. Sar appell għal politika mmirata ġeografikament, multisettorjali u fil-livell l-iktar bażiku msejsa fuq il-parteċipazzjoni u s-sħubija.

1.2

Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tilqa’ din l-isfida u titlob għal żvilupp iktar ibbilanċjat bil-għan li l-inħawi kollha tal-UE jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-għan tal-koeżjoni territorjali stipulat fit-Trattat ta’ Lisbona, fl-isfond ta’ żbilanċji territorjali li qed jiżdiedu fil-pajjiżi u r-reġjuni.

1.3

Id-depopolazzjoni trid titqies bħala l-iżjed theddida serja għall-ekonomiji rurali. Bosta żoni rurali ntlaqtu b’mod gravi mid-depopolazzjoni. F’ċerti pajjiżi u żoni, iċ-ċifri reġistrati huma drammatiċi, b’depopolazzjoni ta’ madwar 1 fil-mija fis-sena, u kultant anke iktar. Madankollu, l-istampa hija varjata ħafna. Bosta żoni rurali tal-UE mhumiex qed jesperjenzaw tnaqqis fil-popolazzjoni tagħhom u jibqgħu postijiet attraenti għan-nies u għan-negozji.

1.4

Il-KESE jenfasizza li hija meħtieġa b’mod urġenti azzjoni politika qawwija f’kull livell, sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tad-depopolazzjoni. Għandu jkun hemm enfasi fuq l-impjiegi, l-infrastruttura u s-servizzi, b’appoġġ minn politiki integrati ta’ żvilupp rurali fil-livelli kollha (dak Ewropew, nazzjonali u reġjonali) u enfasi fuq l-użu ta’ riżorsi endoġeni lokali. Għandu jsir użu sħiħ mill-programmi kollha tal-UE, mhux l-inqas il-politika ta’ koeżjoni u l-istrumenti tagħha għall-iżvilupp rurali u lokali, bħal-Leader u CLLD (Community Led Local Development – Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità). L-Istati Membri jridu jallokaw riżorsi finanzjarji lejn dawk iż-żoni l-iżjed milquta mid-depopolazzjoni.

1.5

Kull deċiżjoni ta’ politika b’dimensjoni ġeografika għandha tiġi valutata mill-perspettiva tal-impatt territorjali tagħha. Għandha tingħata iktar attenzjoni lill-valutazzjonijiet ambjentali u soċjoekonomiċi eżistenti, u għandhom jiġu żviluppati indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi speċifiċi ġodda.

1.6

B’mod parallel mal-iżvilupp tas-setturi primarji, hemm bżonn ta’ qafas ta’ politika għad-diversifikazzjoni u l-promozzjoni tal-intrapriżi permezz tal-investiment, l-innovazzjoni u l-għarfien. Għandhom ikunu promossi katini ta’ provvista qosra f’oqsma bħall-ikel u l-enerġija. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll inċentivi għad-deċentralizzazzjoni.

1.7

Il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg huwa vitali, u huwa urġenti li jkun żgurat b’mod prattiku d-dritt tal-individwu għal edukazzjoni u taħriġ permezz ta’ investiment f’faċilitajiet xierqa għall-promozzjoni tal-għarfien u t-teknoloġija. L-iżvilupp ta’ impjiegi u edukazzjoni attraenti għaż-żgħażagħ għandu jkun ta’ tħassib ewlieni. Hemm bżonn li jinħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex tkun faċilitata l-installazzjoni ta’ bdiewa żgħażagħ bħala fattur ta’ stabilità f’żoni rurali. Għandu jibda jiġi sfruttat il-potenzjal tan-nisa bħala ħaddiema u intraprendituri. L-impjieg ta’ migranti regolari, jekk ikun appoġġat minn miżuri li jakkumpanjawh li jevitaw is-segregazzjoni b’mod effettiv, jista’ jkun opportunità biex il-migranti jiġu inklużi bħala atturi attivi fl-iżvilupp rurali.

1.8

Investiment fl-infrastruttura fil-forma ta’ konnessjonijiet effiċjenti tat-trasport, il-komunikazzjoni (inkluż broadband ta’ veloċità għolja) u l-enerġija, huwa meħtieġ sabiex jitnaqqsu d-disparitajiet ġeografiċi u biex iż-żoni rurali jsiru postijiet attraenti għan-nies u għan-negozji.

1.9

Provvista adegwata ta’ servizzi – kemm servizzi kummerċjali u kif ukoll servizzi soċjali ta’ interess ġenerali – hija kundizzjoni ewlenija oħra biex iż-żoni rurali jsiru attraenti u biex jitnaqqsu l-iżbilanċji territorjali. Huwa meħtieġ b’mod urġenti investiment mhux biss f’tipi differenti ta’ ċentri tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-kura, iżda wkoll f’attivitajiet kulturali u attivitajiet oħra ta’ divertiment.

1.10

Il-KESE hu tal-fehma li d-demokrazija parteċipattiva hija prerekwiżit sabiex jintloħoq bilanċ territorjali aħjar fl-Unjoni Ewropea. Dawkli jgħixu f’żoni rurali u l-organizzazzjonijiet tagħhom għandhom ikunu involuti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet ta’ koeżjoni territorjali. Il-prinċipju tas-sħubija tal-fondi strutturali tal-UE għandu jintuża b’mod effiċjenti, u jiġi estiż ukoll għal oqsma oħra ta’ politika.

1.11

Fir-rwol tiegħu bħala pont istituzzjonali mas-soċjetà ċivili, il-KESE jappoġġa l-idea ta’ “Parlament Rurali Ewropew” rikorrenti – jiġifieri forum rurali Ewropew b’rappreżentazzjoni wiesgħa – li jinżamm fi sħubija mal-Kumitat.

2.   Sfond għall-opinjoni fuq inizjattiva proprja

2.1

L-għan aħħari ta’ din l-opinjoni tal-KESE huwa li jiġi ppreżentat il-każ favur valutazzjonijiet tal-impatt territorjali tal-politiki rilevanti tal-UE sabiex jiġi indirizzat it-tnaqqis drammatiku tal-popolazzjoni f’ċerti żoni rurali.

3.   Introduzzjoni

3.1

Kulturi, lingwi u storja differenti – l-Unjoni Ewropea hija kkaratterizzata mid-diversità, iżda hemm prinċipji u ideali komuni li jgħaqqduna lkoll, li huma mħaddna fl-Artikolu 2 tat-Trattat (1). Xogħol diċenti, aċċess għal servizzi soċjali u ekonomiċi ta’ interess ġenerali, u standards ambjentali għoljin huma ħtiġijiet fundamentali fir-reġjuni kollha.

3.2

Madankollu, il-kundizzjonijiet fl-Ewropa mhumiex l-istess kullimkien. Id-disparitajiet bejn żoni differenti jistgħu jinkludu differenzi storiċi u strutturi kulturali li jintirtu, sistemi politiċi kontrastanti, mudelli diversi ta’ żvilupp soċjoekonomiku kif ukoll firxa ta’ interrelazzjonijiet bejn il-fatturi msemmija. Huwa meħtieġ għarfien iktar profond tal-fenomenu kumpless tad-differenzi ġeografiċi u l-effetti tiegħu fuq politiki u prattiki.

3.3

Iż-żoni rurali jiffaċċjaw sfida komuni: il-kapaċità tagħhom li joħolqu impjiegi sostenibbli ta’ kwalità għolja qed taqa’ lura meta mqabbla ma’ dik taż-żżoni urbani (2). Id-dħul medju huwa 25-30 % inqas milli f’żoni urbani, iżda f’xi każi fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jista’ jkun sa 50 % inqas. Hemm inqas opportunitajiet ta’ impjieg u dawn jinsabu f’firxa iktar dejqa ta’ attivitajiet ekonomiċi. L-infrastruttura dgħajfa, inkluż kwalità baxxa ta’ komunikazzjoni broadband, aċċessibilità baxxa għal servizzi kummerċjali u soċjali u nuqqas ta’ faċilitajiet edukattivi u ta’ taħriġ, kif ukoll ta’ servizzi kulturali u ta’ divertiment, ilkoll qed jikkontribwixxu għal ħruġ konsiderevoli tal-popolazzjonijiet rurali, b’mod partikolari taż-żgħażagħ u l-iktar tat-tfajliet.

3.4

Madankollu l-istampa globali mhix daqshekk ħażina. Bħala medja, fl-għaxar snin ta’ bejn l-2000 u l-2010, iż-żoni li fil-parti l-kbira tagħhom huma rurali esperjenzaw tkabbir kemmxejn ogħla minn żoni urbani (3). Dan jirrifletti wkoll id-diversi modi interessanti li bihom il-komunitajiet rurali kienu kapaċi jiġġestixxu l-isfidi u jiksbu riżultati pożittivi billi jużaw riżorsi endoġeni u riżorsi lokali oħra (4). Matul il-kriżi reċenti, iż-żoni rurali kienu inqas volatili u wrew grad ogħla ta’ reżiljenza. Studju reċenti wera wkoll li, bħala riżultat tal-ispejjeż tal-konġestjoni u l-kirjiet għoljin, l-attivitajiet ekonomiċi qed jinfirxu lejn reġjuni inqas żviluppati – spiss rurali (5).

3.5

Il-fatt li jeżisti żvilupp territorjali mhux bilanċjat bejn u fi ħdan Stati, reġjuni u komunitajiet rurali/urbani hija sfida ewlenija. Wara li ġie skopert mill-ġdid ir-rwol ta’ atturi territorjali responsabbli għar-reġjuni u l-komunitajiet lokali tagħhom matul il-proċess tal-adeżjoni fl-UE, l-iżvilupp reġjonali u lokali issa saru oqsma ewlenin ta’ interess għall-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk. F’reġjuni Ewropej oħrajn ukoll hemm interess ġdid fl-iżvilupp lokali u reġjonali.

3.6

Iż-żoni b’popolazzjoni baxxa u l-irħula abbandunati huma mifruxa fl-Ewropa kollha u din hija kwistjoni komuni anke għall-iżgħar Stati Membri. Dawn iż-żoni b’popolazzjoni baxxa għandhom karatteristiċi u ħtiġijiet speċifiċi. Madankollu, irrispettivament mid-differenzi ta' bejniethom, kollha qed jiffaċċjaw tal-inqas erba' problemi komuni: l-iżolament ġeografiku tagħhom bir-riżultat ta’ spejjeż tat-trasport għoljin, il-problemi demografiċi tal-emigrazzjoni, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u rati ta’ fertilità baxxi, l-istruttura ekonomika dgħajfa u monolotika tagħhom u fl-aħħar nett, id-dħul medju baxx tagħhom li xi kultant ikun akkumpanjat minn faqar rurali gravi.

3.7

L-Opinjoni għandha l-għan li turi kif iż-żoni rurali jistgħu jikkontribwixxu għall-koeżjoni territorjali u soċjali billi jisfruttaw ir-riżorsi endoġeni fi ħdan politika ta’ żvilupp integrata, biex b’hekk tingħeleb il-kriżi ekonomika, jinżammu u jinħolqu l-impjiegi, u għall-ħarsien tal-ambjent. Is-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel agrikolu jaqdu rwol predominanti f’għadd ta’ reġjuni. Madankollu, hija meħtieġa d-diversifikazzjoni. Is-setturi kollha jkunu jistgħu ikkontribwixxu jekk ikunu appoġġati minn miżuri ta’ politika mmirati.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Sfidi għal dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika fl-UE

4.1.1

Il-miżuri dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stabbiliti fl-Artikoli 174 sa 178 tat-Trattat ta’ Lisbona jipprevedu l-iżvilupp armonjuż fl-UE, għandhom l-għan li jnaqqsu d-disparitajiet bejn il-livelli ta’ żvilupp, jagħtu attenzjoni partikolari liż-żoni milqutin minn żvantaġġi naturali jew demografiċi u jitolbu lill-Istati Membri jwettqu u jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom sabiex jiksbu l-għanijiet imsemmija hawn fuq.

4.1.2

Skont il-Kummissjoni tal-UE, il-koeżjoni territorjali tikkonsisti fl-iżgurar tal-iżvilupp armonjuż tal-Ewropa kollha kemm hi, u l-iżgurar li l-Ewropej ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-karatteristiċi inerenti tar-reġjuni differenti tagħha. Għalhekk, il-koeżjoni territorjali hija mezz ta’ kif id-diversità tista’ tinbidel f’vantaġġ li jikkontribwixxi lejn l-iżvilupp sostenibbli tal-UE kollha (6).

4.1.3

Ir-reġjuni jħaddnu kemm żoni dinamiċi kif ukoll problematiċi. Huwa diffiċli li jintlaħaq bilanċ bejn il-koerenza politika u l-koeżjoni territorjali, peress li r-reġjuni huma, min-natura tagħhom, eteroġenji. Konsegwentement, hemm bżonn ta' perspettiva politika msejsa fuq il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-koordinazzjoni bejn il-politiki settorjali differenti fi sħubija mal-atturi territorjali. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa fattur ewlieni wkoll ta’ kwalunkwe approċċ ta’ politika reġjonali, peress li dejjem huwa preferibbli li problemi speċifiċi relatati mal-komunità jiġu indirizzati fil-livell lokali.

4.1.4

F’termini ta’ politika tal-UE, il-Politika Agrikola Komuni hija l-għodda l-iktar importanti għall-iżvilupp agrikolu u rurali. Madankollu, din ma għandhiex tkun l-unika għodda – fl-iżvilupp tal-programmi operattivi tal-fondi l-oħra, l-Istati Membri għandhom jiffukaw ukoll fuq is-sostenibilità taż-żoni rurali.

4.2   Depopolazzjoni

4.2.1

L-istatistika tal-UE (7) turi li fl-2008 u fl-2009 r-reġjuni rurali fl-Ewropa esperjenzaw tkabbir limitat fil-popolazzjoni (0,1-0,2 %). Fl-2010 u fl-2011, il-popolazzjoni staġnat filwaqt li r-reġjuni urbani kibru b’madwar 0,5 % matul dawk is-snin. Madankollu, l-istampa hija varjata ħafna. F’ħafna żoni rurali l-popolazzjoni kibret matul dawn l-aħħar ħames snin. Fl-2011 il-popolazzjoni rurali medja żdiedet fi 8 pajjiżi minn 27. Bil-kontra, għall-istess sena ġew reġistrati ċifri negattivi ħafna b’mod partikolari għal-Latvja u l-Litwanja, fejn il-popolazzjoni rurali naqset bi 2 %, segwiti mill-Bulgarija (-1 %), filwaqt li l-Portugall, il-Ġermanja, ir-Rumanija u l-Ungerija kienu kollha fuq livell ta’ tnaqqis ta’ madwar - 0,5 %.

4.2.2

Meta ssir analiżi minn reġjun għal reġjun (NUTS 3), iċ-ċifri huma drammatiċi. Madwar 100 minn 1  300 minn dawn iż-żoni esperjenzaw tnaqqis ta’ 5 % (u f'xi każi tnaqqis ikbar) fil-popolazzjoni tagħhom matul is-snin 2007-2011. Dawn jinsabu l-iżjed fil-pajjiżi msemmija hawn fuq. Il-Bulgarija, il-Litwanja u l-Latvja jispikkaw mix-xejra ġenerali, b’depopolazzjoni ġeneralizzata għolja. Fil-Ġermanja huma kkonċentrati fin-naħa tal-Lvant, filwaqt li fil-Portugall fil-parti interna tal-pajjiż.

4.2.3

L-istatistika turi wkoll li l-firxa tal-popolazzjoni fl-UE hija żbilanċjata ferm, u dan iwassal għal differenzi enormi bejn id-densitajiet medji fir-reġjuni differenti u bejn iż-żoni urbani u rurali. Iżda, forsi l-iżjed aspett li jikkawża ansjetà f’dak li jirrigwarda d-demografija huwa d-densità tal-popolazzjoni inkredibbilment baxxa f’ċerti reġjuni meta nqabbluha mad-densità ta’ 50 sa 100 sena ilu. Id-depopolazzjoni trid titqies bħala l-iżjed theddida serja għall-ekonomiji lokali, mhux biss għax tillimita l-opportunitajiet tat-tkabbir, toħloq problemi ambjentali, taffettwa strutturi soċjali u tikkumplika l-forniment tas-servizzi pubbliċi, iżda wkoll għax tista’ tipperikola l-eżistenza nnifisha tal-bliet żgħar u l-irħula bħala sistemazzjonijiet abitati.

4.2.4

Ix-xejra għadha għaddejja s’issa. L-espansjoni rapida tal-bliet minħabba l-postijiet fejn huma bbażati l-industrija u s-servizzi qed tiġbed il-forza tax-xogħol minn żoni rurali. Ir-ristrutturar tal-attivitajiet agrikoli jinkoraġġixxi aktar migrazzjoni minn żoni rurali għal dawk urbani. L-investimenti kbar fl-infrastruttura jistgħu jikkawżaw ċaqliq ukoll. Il-proċessi tad-depopolazzjoni rurali jolqtu r-reġjuni fejn l-esodu rurali jkun ikbar mit-tkabbir naturali, u dawn il-proċessi jnaqqsu l-għadd totali tal-abitanti sa livell kritiku u jikkawżaw it-tixjiħ tal-istrutturi demografiċi.

4.2.5

Id-depopolazzjoni rurali tikkawża firxa ta’ tipi ta’ impatt ambjentali. Pereżempju, meta n-nies jitilqu minn żona partikolari, jiġri li ħabitat dominanti wieħed jissupera l-firxa varjata tal-pajsaġġi mantnuti mill-bniedem. Din l-“omoġenizzazzjoni ekoloġika” tista' twassal għal tnaqqis fil-bijodiversità fil-livell lokali. Fost l-impatti ekoloġiċi oħra nsibu d-degradazzjoni tal-ħamrija minħabba manutenzjoni inadegwata tal-artijiet kultivati mtarrġa f’żoni muntanjużi, kif inhu l-każ f’partijiet kbar tal-Mediterran u x-Xlokk tal-Ewropa.

4.2.6

Tqajjem ukoll tħassib ieħor fir-rigward tad-depopolazzjoni rurali, inkluż il-ġestjoni tal-foresti u r-riskji ta’ nirien fiż-żoni tal-Mediterran, u l-problemi potenzjali għas-sikurezza tul il-fruntieri esterni tal-UE.

4.3   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata

4.3.1

IL-KESE enfasizza li: “[d-]demokrazija parteċipattiva, li hija rikonoxxuta bħala wieħed mill-prinċipji demokratiċi tal-Unjoni” hija kundizzjoni essenzjali għall-ksib ta' bilanċ territorjali aħjar fl-Unjoni Ewropea" (8). Is-soċjetà ċivili organizzata għandha tingħata l-opportunità li tipparteċipa b’mod responsabbli u trasparenti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tal-koeżjoni territorjali. Il-prinċipju tas-sħubija tal-fondi strutturali tal-UE għandu jintuża b’mod effiċjenti, u jiġi estiż ukoll għal oqsma oħra ta’ politika li jaffetwaw iż-żoni rurali.

4.3.2

Minn naħa, l-imsieħba soċjali tradizzjonali u l-organizzazzjonijiet soċjoprofessjonali għandhom rwol ewlieni xi jwettqu fl-amministrazzjoni tal-iżbilanċji territorjali li dejjem jikbru, billi jippromwovu impjiegi u negozji li jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien.

4.3.3

Minn naħa oħra, hemm moviment tal-komunitajiet rurali li qed jikber madwar l-Ewropa. F’xi pajjiżi dan il-moviment huwa reċenti, filwaqt li f’oħrajn ilu stabbilit għal ħafna snin. (Dawk fl-avangwardja jinsabu l-iżjed fit-tramuntana tal-Ewropa.) Fil-livell nazzjonali, dawn il-movimenti qed jiġu organizzati f’federazzjonijiet u netwerks, inklużi kemm organizzazzjonijiet soċjoprofessjonali tradizzjonali kif ukoll inizjattivi ġodda fil-livell l-iżjed bażiku. Dawn jagħtu leħen lil dawk in-nies li jgħixu f’żoni rurali b’approċċ minn isfel għal fuq, kif ukoll jippromovu intrapriża ġdida u l-organizzazzjoni ta’ produzzjoni u servizzi lokali.

4.3.4

F’Novembru 2013 il-KESE ospita dak li ġie msejjaħ l-ewwel “Parlament Rurali Ewropew” (9), forum għal organizzazzjonijiet nazzjonali u Ewropej involuti fi kwistjonijiet rurali li għandu l-għan li jsaħħaħ u jipprovdi vuċi komuni għall-moviment rurali fl-Ewropa. L-għan prinċipali tiegħu huwa li jinfluwenza l-politika rurali Ewropea, itejjeb id-djalogu bejn dawk li jfasslu l-politika u l-livell lokali u li tiġi skambjata prattika tajba.

4.3.5

Fir-rwol tiegħu ta’ pont istituzzjonali lejn is-soċjetà ċivili, il-KESE jista’ jippermetti li nies li jgħixu f’żoni rurali u l-organizzazzjonijiet tagħhom jaqdu rwol ewlieni fil-proċess tat-tiswir u l-implimentazzjoni tal-politiki rurali. Il-Kumitat għalhekk jappoġġa l-idea ta’ Parlament Rurali Ewropew rikorrenti – jiġifieri forum rurali Ewropew estiż ukoll għal organizzazzjonijiet soċjoprofessjonali u msieħba soċjali – li jinżamm fi sħubija mal-Kumitat u li jista’ jservi wkoll bħala konnessjoni għall-Grupp ta’ Kuntatt tiegħu.

4.4   Valutazzjoni tal-impatt territorjali

4.4.1

Aktar kmieni l-KESE ppropona li l-leġislazzjoni, il-politiki u l-programmi tal-UE għandhom ikunu analizzati mill-perspettiva tal-konsegwenzi tagħhom fuq il-koeżjoni territorjali. Il-Kummissjoni għandha responsabbiltà partikolari f’din l-evalwazzjoni tal-impatt, li għandha tinvolvi mill-qrib l-atturi kollha kkonċernati (10).

4.4.2

Din il-proposta ġiet imtennija reċentement mill-Kumitat tar-Reġjuni, li appella biex “jiġu eżaminati sa mill-bidu nett id-dimensjoni territorjali tal-miżuri tal-politiki settorjali flimkien mal-konsegwenzi ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali tagħhom” u ħeġġeġ biex ikun hemm “kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali bil-għan li l-konsultazzjoni titmexxa lejn il-partijiet interessati u milqutin” (11).

4.4.3

Il-kunċett ta’ valutazzjonijiet tal-impatt diġà jeżisti f’diversi klawżoli orizzontali fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 8 sa 12). Dawn il-klawżoli jiddikjaraw li fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tqis ir-rekwiżiti marbuta mad-dimensjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-ambjent, il-ħarsien tal-konsumatur, u n-nondiskriminazzjoni.

4.4.4

Meta jkunu qed jieħdu kwalunkwe deċiżjoni, dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika jkollhom jistaqsu lilhom innifishom mistoqsija waħda biss: x'inhu l-impatt previst ta' dan l-att, li jinġiebu iżjed nies fil-bliet jew li jinżammu fiż-żoni rurali? Minn dan l-eżami jgħaddu immedjatament dawk il-politiki li jtejbu l-bilanċ territorjali globali jew li tal-inqas iżommuh l-istess. Kull deċiżjoni li tagħmel ħsara lil dan il-bilanċ, billi żżid il-konċentrazzjoni urbana, għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt li tagħti prova li l-benefiċċji tagħha huma ikbar minn dan l-iżvantaġġ.

4.4.5

Għandu jiġu valutat l-impatt territorjali ta’ politiki settorjali, b’mod partikolari fl-oqsma tat-trasport, l-ICT, l-enerġija, l-ambjent, l-agrikoltura, il-kummerċ, il-kompetizzjoni u r-riċerka (12).

4.4.6

Sabiex dan isir, il-Kummissjoni għandha tiżgura li tingħata attenzjoni xierqa lid-dimensjoni territorjali fil-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (SEA) (13) u lil-linji gwida tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Madankollu, iridu jiġu żviluppati wkoll indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi speċifiċi oħra, mhux biss f’termini soċjoekonomiċi u ambjentali iżda wkoll f’dimensjonijiet oħrajn li ma jistgħux jitkejlu daqstant, bħat-telf ta’ ħiliet tradizzjonali.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Żvilupp territorjali bbilanċjat tajjeb ifisser użu iżjed bilanċjat u sostenibbli tar-riżorsi naturali li jġib miegħu benefiċċji ekonomiċi minħabba tnaqqis fil-konġestjoni u inqas spejjeż. Fiż-żoni rurali, il-prosperità ser tiddependi mill-kapaċità li jiġu mobilizzati l-persuni u r-riżorsi lokali, filwaqt li fl-istess ħin jiġu żviluppati l-fatturi tal-lokalità li jagħmlu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u dawk ekonomiċi aktar attraenti għan-nies u għan-negozji. Id-diżekonomiji u l-esternalitajiet negattivi tal-agglomerazzjoni urbana jmorru kontra l-prospett ta’ kwalità tal-ħajja tajba għal kulħadd.

5.2

Ħafna żoni rurali b’potenzjal għall-iżvilupp li għadu ma ġiex sfruttat jeżistu spalla ma’ spalla ma’ żoni urbani u periurbani sfruttati żżejjed. F'żoni remoti ’l bogħod mill-bliet il-kbar, il-bliet żgħar u ta’ daqs medju jaqdu rwol ewlieni biex jagħtu aċċess għas-servizzi, u b’hekk jiżguraw li dawn iż-żoni jibqgħu postijiet attraenti fejn wieħed jgħix. Iż-żamma ta’ dawn iċ-ċentri rurali ser tkun ta’ importanza kbira biex jiġi ffaċċjat l-għeluq ta’ servizzi u l-influssi ta’ nies minn villaġġi iżgħar fiż-żona tal-madwar, sakemm jiġi organizzat trasport pubbliku effiċjenti.

5.3

Jekk il-forzi tas-suq jitħallew għal rajhom, dawn ma jipprovdux l-inċentivi meħtieġa biex tinstab soluzzjoni għat-tendenza attwali. Għaldaqstant, hija meħtieġa b’mod urġenti azzjoni politika qawwija f’kull livell sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tad-depopolazzjoni u biex iż-żoni rurali jsiru attraenti għan-nies u għan-negozju. Hija meħtieġa sensiela ta’ inċentivi bbilanċjata tajjeb sabiex jiġu stimolati l-investimenti, l-innovazzjoni u l-għarfien, u sabiex jinżammu u jinħolqu l-opportunitajiet għall-għajxien u x-xogħol f’żoni rurali. Għandu jkun hemm enfasi fuq l-impjiegi, l-infrastruttura u s-servizzi appoġġata minn politiki integrati ta’ żvilupp rurali fil-livelli kollha (dak Ewropew, nazzjonali, u reġjonali).

5.4

Għandu jsir użu sħiħ mill-programmi kollha tal-UE, mhux l-inqas il-politika ta’ koeżjoni u l-istrumenti tagħha għall-iżvilupp rurali u lokali, bħal-Leader u CLLD (Community Led Local Development – Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità). L-Istati Membri jridu jallokaw riżorsi finanzjarji lejn dawk iż-żoni l-iżjed milquta mid-depopolazzjoni.

5.5

Il-liġi tal-kompetizzjoni għandha tiġi adattata b’mod li tagħmel tajjeb għall-eżenzjonijiet meħtieġa. Jekk il-bidliet proposti jaffettwaw l-ispejjeż tal-pagi, iridu jiġu ttrattati fid-djalogu soċjali normali bejn l-imsieħba soċjali.

5.6

L-aktar espressjoni prattika importanti ta’ koeżjoni territorjali huwa l-iżgurar li n-nies kollha tal-Ewropa jkollhom aċċess ugwali għal servizzi ta’ interess ġenerali kull fejn huma jgħixu jew jaħdmu. Biex jitnaqqsu d-disparitajiet ġeografiċi, huwa meħtieġ investiment fl-infrastruttura fil-forma ta’ konnessjonijiet effiċjenti tat-trasport, il-komunikazzjoni (inkluż broadband ta’ veloċità għolja) u l-enerġija, għall-iżvilupp tal-iktar żoni fraġli u remoti.

5.7

Il-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies fiż-żoni rurali, inkluż dawk l-iktar żvantaġġati, iridu jittejbu permezz ta’ forniment adegwat ta’ servizzi, li huwa kundizzjoni ewlenija oħra sabiex jitnaqqsu l-iżbilanċji territorjali, u dan japplika kemm għal servizzi kummerċjali kif ukoll għal servizzi soċjali ta’ interess ġenerali. L-investiment, mhux biss f’ċentri tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-kura ta’ tipi differenti, iżda wkoll f’attivitajiet kulturali u ta’ divertiment oħra jagħmel iż-żoni rurali lokalitajiet attraenti, mhux biss għan-nies iżda wkoll għan-negozji.

5.8

L-isfruttar ta’ riżorsi endoġeni jfisser ukoll li jinħolqu katini tal-provvista qosra li għandhom benefiċċji ekonomiċi, soċjali u kulturali mhux biss għall-bdiewa iżda wkoll għal negozji u konsumaturi oħra u għal żoni rurali b’mod ġenerali. L-ikel u l-enerġija huma eżempji tajbin ta’ dan. Dan it-tip ta’ mudell ta’ produzzjoni jrid jiġi promoss, kif intwera mill-fatt li katini ta’ bejgħ bl-imnut transnazzjonali rari jakkwistaw prodotti minn produtturi lokali, anke meta l-qasam tal-provvista jkun organizzat tajjeb u jkun jista’ jiggarantixxi fluss ta’ produzzjoni affidabbli.

5.9

Il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg huwa vitali u d-dritt għall-edukazzjoni u t-taħriġ irid jkun żgurat fil-prattika. It-taħriġ vokazzjonali huwa meħtieġ b’mod urġenti sabiex jgħin lill-“ħaddiema jadattaw ruħhom għall-ħtiġijiet tal-mudell ġdid ta’ produzzjoni” (14). It-tnaqqis tal-ħruġ ta’ żgħażagħ miż-żoni rurali – mhux inqas ta’ tfajliet, li huma iktar suxxettibbli li jemigraw – għandu jkun ta’ tħassib ewlieni. Is-soċjetà tikseb benefiċċju nett jekk tipprovdi opportunitajiet ta’ impjieg li jagħmilha possibbli li l-familji żgħażagħ jibbenefikaw mill-ambjent naturali tal-kampanja bħala post privileġġjat biex irabbu t-tfal tagħhom. Fil-passat il-KESE argumenta favur miżuri b’saħħithom sabiex jibda jiġi sfruttat il-potenzjal tan-nisa bħala ħaddiema u intraprendituri, sabiex ikunu jistgħu jsiru “muturi” ta’ żvilupp u innovazzjoni u biex ikunu mgħammra bl-għarfien u t-teknoloġija adatti (15).

5.10

L-impjiegi ta’ kwalità tajba f’industriji avvanzati u kreattivi jistgħu jibdew ċirku virtuż, billi jiġbdu lejhom mhux biss attività ekonomika iżda wkoll inizjattivi kulturali u tipi oħra ta’ servizzi li jagħmlu l-ħajja iżjed interessanti għall-ħaddiema żgħażagħ fiż-żoni rurali u jiddiswaduhom milli jitilqu.

5.11

Sabiex jinħolqu impjiegi ġodda f’dawk iż-żoni rurali l-iżjed affettwati mid-depopolazzjoni huma meħtiġin miżuri radikali ta’ diversifikazzjoni u deċentralizzazzjoni (16). Għalhekk, iridu jiġu implimentati programmi għal dawk iż-żoni b’finanzjament speċifiku. Għandhom ikunu disseminati l-esperjenzi tajbin ta’ żoni rurali li rnexxielhom jiġġestixxu l-isfida tad-depopolazzjoni u jibqgħu lokalità tajba għan-nies u għan-negozju.

5.12

Is-suq intern u d-dritt ta’ moviment ħieles jippermettu lill-bdiewa jibdew attività tal-biedja fi Stati Membri oħra fejn l-opportunitajiet huma aħjar milli fil-pajjiż tagħhom; każ wieħed huwa li l-bdiewa Olandiżi li jittraslokaw għar-Rumanija. Madankollu, dawn l-opportunitajiet għall-mobilità u l-akkwist tal-art m’għandhomx ikunu ta’ żvantaġġ għas-sistema attwali tal-biedja u għas-sidien iż-żgħar.

5.13

Il-KESE appella għal trattament ugwali għall-ħaddiema migranti f’żoni rurali billi jiġu implimentati standards minimi għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ħajja, kif ukoll jiġu involuti l-imsieħba soċjali f’dan il-proċess (17). Proċess ta’ integrazzjoni, appoġġat minn miżuri li jakkumpanjawh li jevitaw b’mod effettiv is-segregazzjoni, jista’ jkun opportunità biex il-migranti regolari jsiru sors ta’ żvilupp rurali.

Brussell, 26 ta' Frar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  L-Artikolu 2 jiddikjara li l-UE hija “bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi”. L-Istati Membri għandhom inkomuni “soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel”.

(2)  Ara pereżempju r-rapport ta' informazzjoni tal-KESE CESE 425/2011 (relatur: is-Sur Narro), ĠU C 376, 22.12.2011, p. 25-31

(3)  Il-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

(4)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 82-86

(5)  ESPON 2013 Program CAEE – il-każ għall-ekonomiji agglomerati fil-Proġett Ewropa 2013/2/1.

(6)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali, 2008.

(7)  Rural development in Yearbook on Regional statistics. Paġni 238 'il quddiem: Sors: Eurostat.

(8)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 123-129

(9)  Il-Parlament Rurali Ewropew huwa msejjes fuq il-kunċett tal-Parlament Rurali Svediż li ilu jeżisti ’l fuq minn 20 sena. Dan huwa forum biannwali li huwa magħmul minn naħa minn organizzazzjonijiet rurali nazzjonali, kemm soċjoprofessjonali kif ukoll oħrajn, u minn naħa oħra minn gruppi komunitarji fil-livell l-iktar bażiku.

(10)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 123-129

(11)  ĠU C 280, 27.9.2013, p. 13-18

(12)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 15-18

(13)  Edizzjoni Speċjali tal-Ġurnal Uffiċjali: Kapitolu 13 Volum 24 p. 239-248

(14)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 41-47

(15)  ĠU C 299, 4.10.2012, p.29-33

(16)  Bħala eżempju eċċellenti ta’ deċentralizzazzjoni, nistgħu nsemmu ċ-ċentru l-ġdid tad-dejta tal-Portugal Telecom viċin Covilhã, fir-reġjun muntanjuż ta’ Serra da Estrela.

(17)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 25


8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-produzzjoni integrata fl-Unjoni Ewropea” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 214/02

Relatur: is-Sur NARRO

Nhar it-12 ta' Frar 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-produzzjoni integrata fl-Unjoni Ewropea.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Frar 2014.

Matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'143 vot favur, 6 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-produzzjoni integrata hi eżempju prattiku ta' kif l-attività agrikola topera waqt li tikkunsidra l-aspetti ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali kollha tal-iżvilupp sostenibbli. Il-KESE jixtieq li jissaħħu dawk il-mudelli tal-produzzjoni tal-ikel li jipprivileġġjaw l-użu razzjonali tar-riżorsi naturali u r-rispett ta' standards ambjentali għoljin.

1.2

Il-KESE jisħaq li l-attività agrikola għandha ssib bilanċ bejn il-ħarsien tal-ambjent, il-profittabilità u d-domandi soċjali. L-agrikoltura sostenibbli hija ħtieġa bażika tas-soċjetà ċivili li tista' tinkiseb permezz ta' mudelli produttivi differenti. Il-produzzjoni integrata hija xhieda tal-interess tal-bdiewa Ewropej li jissodisfaw saħansitra aħjar l-istandards ta' produzzjoni sostenibbli.

1.3

Fl-implimentazzjoni nazzjonali tal-Politika Agrikola Komuni l-ġdida l-Istati Membri jridu jagħtu inċentivi ġodda lill-produzzjoni integrata bis-saħħa tal-pjani ta' żvilupp rurali, u jippromovu l-integrazzjoni tagħha fis-sistemi ta' ekwivalenza l-ġodda li ser jiġu stabbiliti b'rabta mal-hekk imsejjaħ “pagament ekoloġiku”.

1.4

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea twettaq analiżi fil-fond tas-sitwazzjoni tal-produzzjoni integrata fil-pajjiżi differenti tal-UE. Id-differenzi regolatorji, l-iżvilupp ta' sistemi taċ-ċertifikazzjoni privati u d-differenzi bejn il-pajjiżi u saħansitra bejn ir-reġjuni ma jiffavorixxux l-iżvilupp ta' dan il-mudell tal-produzzjoni. It-tfassil ta' komunikazzjoni dwar il-produzzjoni integrata min-naħa tal-Kummissjoni jista' jipprovdi informazzjoni ġdida fil-livell Komunitarju dwar il-firxa tal-produzzjoni integrata fl-Ewropa.

1.5

Sabiex is-sistema tkun koerenti u sa ċertu punt armonizzata, ikun tajjeb li jinfetaħ dibattitu f'livell Ewropew dwar il-possibbiltà li jinħolqu standards Komunitarji minimi. Dawn il-linji gwida Komunitarji għandhom jikkontribwixxu biex jippromovu aktar il-mudell tal-produzzjoni integrata fost il-bdiewa u l-konsumaturi, u għandhom ikunu bbażati fuq l-istrumenti ta' politika Ewropea tal-promozzjoni li qed tiġi riveduta bħalissa.

1.6

Il-KESE jinnota li l-konsumatur mhux informat biżżejjed u hemm bżonn li wieħed jifhem aħjar ir-realtà fl-irziezet. Id-diversi tikketti ta' kwalità joħolqu konfużjoni għad-destinatarji finali, u għalhekk għandhom jiżdiedu l-isforzi biex iċ-ċittadini jkunu qrib tal-prodotti agrikoli li jirrispettaw standards ekonomiċi, soċjali u ambjentali għoljin.

1.7

Sabiex tiġi żviluppata l-produzzjoni integrata, għandu jsir sforz akbar fir-riċerka, it-taħriġ tekniku, il-promozzjoni ta' inizjattivi konġunti u, naturalment, fil-komunikazzjoni mal-konsumaturi u s-settur agrikolu, li ma jafux bil-benefiċċji li jista' jkollu mudell tal-produzzjoni li jottimizza l-użu tar-riżorsi naturali b'mod professjonali u koerenti mal-ħtiġijiet tal-ambjent.

1.8

Il-KESE jisħaq li s-sistema tal-produzzjoni integrata fl-Ewropa għandha tkun waħda volontarja. Għalkemm ħafna mill-elementi tal-produzzjoni integrata qed isiru obbligatorji, hija biss sistema volontarja li tista' tagħmel lill-bdiewa aktar konxji tal-ambjent u ttejjeb il-profittabilità tal-irziezet tagħhom.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-opinjonijiet tiegħu l-KESE ġabar uħud mill-isfidi ewlenin tal-produzzjoni tal-ikel li tiffaċċja s-soċjetà Ewropea: is-sigurtà tal-provvista, ir-riċerka u l-innovazzjoni fl-agrikoltura, it-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità. Għalhekk, huwa tajjeb li jiġi analizzat mudell tal-produzzjoni li jirrispondi għall-aspettattivi tal-bdiewa u l-konsumaturi: il-produzzjoni integrata.

2.2

L-agrikoltura attwali toffri opportunitajiet ġodda u avvanzi teknoloġiċi li jistgħu jtejbu l-kontribut ambjentali tagħha u fl-istess ħin huma ta' benefiċċju għall-bidwi, li jkun jista' jmexxi r-razzett tiegħu aħjar u jagħmel aktar profitt. L-agrikoltura qed tiffaċċja sfida enormi, jiġifieri li tipprovdi ikel sigur lil popolazzjoni dinjija li fl-2050 ser tosboq id-9 000 miljun persuna.

2.3

L-attività agrikola li ssir f'dan il-qasam hi mimlija kumplessitajiet u diffikultajiet li jirrikjedu li l-bdiewa jkunu mħejjijin aħjar u jkollhom għarfien tekniku u ambjentali li jista' jgħin biex jiġu ppreservati l-ambjent, it-trasparenza fil-produzzjoni u s-sigurtà tal-ikel. L-agrikoltura hi settur strateġiku li qed jappella għal żvilupp koerenti u koordinat tal-bżonnijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

2.4

L-art agrikola u l-foresti jkopru 80 % tat-territorju tal-UE. Meta l-bdiewa jużaw ir-riżorsi naturali, huma jkunu responsabbli għall-preservazzjoni u l-użu sostenibbli tagħhom. Huwa għal dan il-għan, imħaddan mill-bdiewa u l-konsumaturi, li jservu l-innovazzjoni u r-riċerka meta jiżviluppaw tekniki ġodda tal-produzzjoni integrata li jippermettu użu aktar razzjonali tar-riżorsi.

2.5

Il-mudell tal-produzzjoni integrata jirrappreżenta xorta ta' agrikoltura sostenibbli li għandha ttejjeb il-profittabilità tal-attività agrikola filwaqt li tirrispetta standards soċjali u ambjentali għoljin. F'kull każ, għandu jkun strument edukattiv li jikkontribwixxi billi jispjega lill-konsumatur ir-relazzjoni ġdida bejn l-ambjent u l-produzzjoni tal-ikel. Id-distribuzzjoni għandha tappoġġja u tirrikonoxxi dan il-mudell tal-produzzjoni. Huwa essenzjali li jkun hemm interess kummerċjali li jippromovi l-produzzjoni integrata.

2.6

Is-sistema ħafna drabi tkun inqas effettiva minħabba l-kumplessità tal-proċess ta' ċertifikazzjoni, li f'xi pajjiżi joħloq piż eċċessiv.

3.   Il-kunċett tal-produzzjoni integrata

3.1

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Ġlieda Bijoloġika u Integrata tal-Annimali u l-Pjanti Perikolużi (IOBC, International Organisation for Biological and Integrated Control of Noxious Animals and Plants) tiddefinixxi l-produzzjoni integrata bħala sistema agrikola tal-produzzjoni tal-ikel li tagħmel l-aqwa użu mir-riżorsi u l-mekkaniżmi ta' regolazzjoni naturali u tiżgura li l-agrikoltura tibqa' vijabbli u sostenibbli fit-tul. F'din is-sistema, il-metodi bijoloġiċi, it-tekniki tal-kultivazzjoni u l-proċessi kimiċi jingħażlu b'attenzjoni waqt li jinsab bilanċ bejn l-ambjent, il-profittabilità u l-ħtiġijiet soċjali.

3.2

Bażikament dan hu mudell volontarju msejjes fuq l-applikazzjoni prattika u kontinwa (bis-saħħa tat-trasferiment tal-għarfien u l-esperjenza bejn is-servizzi tekniċi, il-bidwi u r-razzett stess) tal-għodod innovattivi u teknoloġiċi li bihom, jekk jintużaw b'mod effiċjenti, jistgħu jintlaħqu l-istandards tal-kwalità, is-sigurtà u r-rispett tal-ambjent li tixtieq is-soċjetà tal-lum.

3.3

Il-kunċett ta' “produzzjoni integrata” sikwit jintuża bħala sinonimu ta' “agrikoltura integrata” u f'bosta pajjiżi dawn iż-żewġ termini jintużaw mingħajr distinzjoni. Madankollu, minkejja li huma sistemi paralleli b'ħafna elementi komuni, huma żewġ realtajiet differenti u jirrappreżentaw żewġ mudelli differenti minn liema l-bidwi jista' jagħżel. Il-produzzjoni integrata għandha dimensjoni settorjali b'regoli differenti skont il-prodotti, u l-agrikoltura integrata tirreferi għall-ġestjoni globali ta' razzett.

3.4

Il-produzzjoni integrata tkopri l-aspetti ekoloġiċi, etiċi u soċjali tal-produzzjoni agrikola, kif ukoll l-aspetti tal-kwalità u s-sigurtà tal-ikel. Bħalissa hi meqjusa bħala wieħed mill-ogħla standards internazzjonali tal-produzzjoni tal-ikel. Il-linji gwida tal-produzzjoni integrata u l-għodod relatati lkoll urew li huma siewja u kienu sors ta' ispirazzjoni għall-organizzazzjonijiet tal-bdiewa li jipprovaw jipproduċu ikel ta' kwalità li jirrispetta standards ambjentali u soċjali għoljin.

3.5

Minbarra l-għanijiet imsemmija, il-produzzjoni integrata tappoġġja s-settur agrikolu billi tinkorpora servizzi ta' pariri tekniċi mill-esperti, li jkollhom ir-responsabbiltà li jippjanaw il-kultivazzjoni li jridu jwettqu l-produtturi fl-irziezet tagħhom skont il-metodoloġija stabbilita fir-regolamenti dwar il-produzzjoni integrata. L-għan hu li l-kunċetti ġenerali bħall-innovazzjoni u t-teknoloġija jiġu applikati fil-prattika b'mod kontinwu.

3.6

Il-produzzjoni integrata tlaqqa' flimkien il-metodi tradizzjonali u t-teknoloġija moderna. Tinkorpora l-għarfien u tekniki ġodda li jirriżultaw mir-reviżjoni u l-evalwazzjoni kontinwa u dinamika. Bħala eżempju nistgħu nsemmu l-agrikoltura ta' preċiżjoni, li permezz tat-teknoloġija GPS l-aktar avvanzata tnaqqas l-ispejjeż tal-bidwi u l-kontaminazzjoni għaliex jintużaw inqas nutrijenti u pestiċidi. Qabel il-bidwi jiddeċiedi meta, kif u fejn jipproduċi, issir analiżi preliminari tal-kundizzjonijiet tal-ħamrija, il-klima, l-ilma, in-nutrijenti, eċċ.

3.7

Il-produzzjoni integrata tiffaċilita t-trasferiment rapidu tal-għarfien bejn il-produtturi agrikoli, il-konsulenti tekniċi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi filwaqt li tillimita ċerti riskji fil-ġestjoni tar-razzett.

3.8

Dan il-mudell tal-produzzjoni joffri lill-konsumaturi kwalità ogħla u aktar sigurtà u jrawwem il-fiduċja tagħhom fil-prodotti li jkunu ser jixtru u jikkonsmaw; dan hu mod kif jiġi ottimizzat ir-rispett tal-flora u l-fawna b'metodi inqas aggressivi u kif tiġi ppreservata l-bijodiversità permezz ta' ġestjoni adegwata tar-riżorsi naturali.

3.9

Fil-każ tal-bdiewa, din is-sistema tista' tnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni u ttejjeb u timmodernizza l-ġestjoni tal-irziezet. B'dan il-mod tista' tiżdied il-profittabilità billi jiżdied il-valur tal-prodott, titjieb il-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali u titwettaq il-ħtieġa li l-popolazzjoni tistabbilixxi ruħha fiż-żoni rurali.

3.10

Il-produzzjoni integrata hi, mingħajr dubju, element ċentrali fl-applikazzjoni tal-kunċett tal-agrikoltura sostenibbli u tista' tkun punt ta' referenza lejn fejn għandu jimxi l-mudell tal-agrikoltura fl-UE.

4.   Il-produzzjoni integrata fl-UE

4.1

Bħalissa, għall-kuntrarju tas-sistema tal-prodotti organiċi jew tal-kummerċ ġust, la jeżisti qafas legali Ewropew għall-produzzjoni integrata u lanqas linji gwida Komunitarji għal dan il-mudell tal-produzzjoni volontarju.

4.2

Madankollu, fl-aħħar snin kotru l-inizjattivi pubbliċi fil-qasam tal-produzzjoni integrata, f'xi każijiet b'oqfsa regolatorji nazzjonali jew reġjonali (il-Portugall, Franza, ir-Renju Unit, il-Belġju u Spanja) u f'każijiet oħra l-inizjattivi ġew żviluppati mill-privat u kkontrollati mid-distributuri l-kbar (1). Din is-sitwazzjoni eteroġenea ħolqot distorsjonijiet fid-definizzjoni, l-għanijiet u l-iżvilupp tal-produzzjoni integrata.

4.3

Għaldaqstant, fl-2001 ġiet stabbilita l-Inizjattiva Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-Agrikoltura (EISA, European Initiative for Sustainable Development in Agriculture) bil-għan li tippromovi u tiddefendi prinċipji koerenti fil-produzzjoni integrata fl-UE. Wieħed mill-ewwel kompiti ta' din l-organizzazzjoni kien li toħloq Kodiċi Ewropew tal-Produzzjoni Integrata (2), li serva biex l-FAO tiddefinixxi l-prattiki sostenibbli fl-agrikoltura. Fl-2002, l-AREFLH (Assemblea Ewropea tar-Reġjuni li Jipproduċu l-Frott, il-Ħaxix u l-Pjanti) stqarret li hi favur li jkun hemm regolamentazzjoni Ewropea, u f'April 2013 ippubblikat il-gwida għall-prattiki Ewropej tal-produzzjoni integrata (3).

4.4

Kif jiġri f'mudelli oħra tal-produzzjoni, sabiex il-prodotti miksuba bis-sistema tal-produzzjoni integrata jkollhom tikketta ta' garanzija, dawn il-prodotti jridu jiġu kkontrollati u ċċertifikati minn korpi taċ-ċertifikazzjoni akkreditati. It-tikketta ta' garanzija tista' tintuża għall-prodotti li jilħqu l-istandards ġenerali u l-istandards tekniċi speċifiċi għal kull kultivazzjoni. F'xi każijiet (id-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi), iċ-ċertifikazzjoni ma ssirx għal prodott speċifiku iżda għar-razzett kollu li juża dan il-mudell tal-produzzjoni. Bħalissa jeżistu tikketti tal-kwalità sew fil-livell nazzjonali u sew f'dak reġjonali.

5.   Kwistjonijiet ewlenin tal-produzzjoni integrata

Bħalissa qed iqumu diversi dubji, kwistjonijiet u mistoqsijiet dwar ir-rwol ta' dan il-mudell tal-produzzjoni fl-agrikoltura Ewropea. Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn li jiġu ċċarati wħud mill-aktar aspetti kontroversjali li minħabba n-nuqqas ta' għarfien jew l-informazzjoni preġudikata jistgħu joħolqu konfużjoni akbar fis-soċjetà kollha.

5.1   Ir-relazzjoni bejn l-agrikoltura konvenzjonali u l-agrikoltura integrata

5.1.1

Il-mudelli tal-produzzjoni konvenzjonali, ekoloġika u integrata huma leġittimi, għandhom differenzi u similaritajiet, u jirrappreżentaw fi kwalunkwe każ alternattivi rispettabbli għall-produzzjoni tal-ikel.

5.1.2

L-agrikoltura konvenzjonali tinkludi wħud mill-prattiki jew tekniki tal-agrikoltura integrata. Fil-fatt, l-obbligu li mill-2014 'il quddiem il-pesti jiġu ġestiti b'mod integrat, liema obbligu ġie impost mid-Direttiva dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (4), huwa element ieħor li jqarreb iż-żewġ mudelli tal-produzzjoni lejn xulxin. Il-produzzjoni integrata hija d-direzzjoni lejn fejn hi miexja, bil-mod il-mod, l-agrikoltura konvenzjonali. Din hi influwenza pożittiva li għandha tinżamm.

5.1.3

Madankollu, il-produzzjoni integrata toħloq valur miżjud konsiderevoli minħabba li l-produttur jiddeċiedi b'mod volontarju li jagħżel mudell li jinvolvi ċertifikazzjoni rigoruża abbażi ta' kontrolli stretti li jirrikjedu l-konsulenza ta' professjonisti kkwalifikati ħafna, taħriġ personalizzat, użu effiċjenti tal-enerġija u tnaqqis fil-marka tal-karbonju, użu ta' sistemi teknoloġiċi għall-ġestjoni tal-irrigazzjoni, il-fertilizzazzjoni, iż-żbir, it-tħaddim tal-art, eċċ.

5.1.4

Bħalissa ħafna bdiewa qed jimxu lejn il-produzzjoni integrata bil-għan li jużaw bl-aħjar mod possibbli l-kapaċità produttiva tar-razzett tagħhom filwaqt li jżidu l-fertilità tal-art, jeliminaw jew inaqqsu r-residwi tal-pestiċidi u jtejbu s-saħħa tal-kultivazzjonijiet tagħhom (5).

5.1.5

L-agrikoltura konvenzjonali u dik organika huma regolati fil-livell Ewropew, inkluż b'tikketta ta' kwalità għall-agrikoltura organika. Min-naħa l-oħra, il-produzzjoni integrata hi żviluppata biss fil-livell statali jew reġjonali f'kuntest ta' differenzi kbar u konfużjoni regolatorja li qed tiżdied.

5.1.6

Iż-żieda dejjem tikber tal-produzzjoni integrada tiġġustifika l-isforz addizzjonali sabiex dan il-mudell ta' produzzjoni jiġi kkomunikat b'mod effiċjenti liċ-ċittadini Ewropej.

5.2   Ir-rwol tal-UE fl-iżvilupp tal-produzzjoni integrata

5.2.1

L-UE għandha twettaq analiżi dettaljata tal-produzzjoni integrata fl-Ewropa li tixħet dawl fuq is-sitwazzjoni attwali u l-iżvilupp potenzjali. Fost il-mekkaniżmi li għandha l-UE, huwa partikolarment importanti li titħejja komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-isfidi ta' dan il-mudell u r-rwol tal-UE f'dan ir-rigward.

5.2.2

Id-differenzi fir-regolazzjoni nazzjonali u reġjonali tal-produzzjoni integrata jwassluna għall-mistoqsija ta' jekk il-leġislazzjoni attwali għandhiex tiġi armonizzata b'xi mod jew ieħor fil-livell Komunitarju. Bħalissa l-UE tiffoka l-appoġġ tagħha għall-produzzjoni integrata fuq il-pjani tal-iżvilupp rurali u l-programmi operattivi tal-organizzazzjonijiet komuni għas-swieq argikoli, bħal dik tal-frott u tal-ħaxix. Il-PAK il-ġdida ser tkun ibbażata fuq is-sostenibbiltà tagħha; għalhekk huwa loġiku li l-produzzjoni integrata tagħti l-kontribut sħiħ tagħha fl-istabbiliment prattiku tal-pagament ekoloġiku l-ġdid permezz tal-atti ddelegati. Is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni l-ġdida tista' toħloq ukoll opportunitajiet ġodda għal dan il-mudell tal-produzzjoni (6).

5.2.3

Fil-passat saru dibattiti simili dwar jekk għandux ikun hemm leġislazzjoni jew le għas-sistemi tal-agrikoltura organika jew il-kummerċ ġust. Jeżistu ħafna tikketti ta' kwalità reġjonali jew nazzjonali li jidentifikaw il-produzzjoni integrata, u għalhekk hemm dibattitu miftuħ dwar jekk għandux jinħoloq logo Komunitarju ġdid jew jiġu ssemplifikati dawk eżistenti. Qabelxejn, l-UE għandha ttejjeb il-komunikazzjoni mal-konsumaturi dwar it-tikketti li jeżistu biex jindikaw il-kwalità jew l-oriġini tal-prodott.

5.2.4

Is-settur tal-produzzjoni integrata huwa varjat u eteroġeneu, iżda qed jappella b'mod unanimu li jiġu stabbiliti linji gwida Komunitarji fil-qasam li jwasslu għall-koerenza u għarfien akbar.

5.3   Ix-xewqa ta' komunikazzjoni aħjar bejn il-konsumaturi u l-bdiewa

5.3.1

Bħalissa l-produzzjoni integrata qed tiżdied għax qed jiżdied in-numru ta' bdiewa li jaċċettaw il-bżonn li jagħmlu l-profitt tagħhom filwaqt li jtejbu l-kontribut tal-agrikoltura għall-ambjent u għall-konservazzjoni tar-riżorsi naturali. Minkejja ż-żieda fl-interess min-naħa tas-settur agrikolu, fis-soċjetà hemm nuqqas ta' għarfien dwar x'inhi l-produzzjoni integrata u kif tista' tgħin f'mudell tal-agrikolatura sostenibbli.

5.3.2

Il-KESE jinnota ċerti nuqqasijiet fil-promozzjoni ta' dan il-mudell tal-produzzjoni u jħeġġeġ li jiżdied it-taħriġ tal-bdiewa u li l-produtturi jingħataw inċentivi biex jiżviluppaw inizjattivi konġunti għall-ħarsien tal-ambjent. Il-bidwi jrid ikun kemm jista' jkun trasparenti mal-konsumaturi fir-rigward tal-metodi tal-produzzjoni li juża u għandu jipprova juri kif l-innovazzjoni tista' taqdi lill-agrikoltura sostenibbli. F'bosta pajjiżi tal-UE qed jitwettqu inizjattivi bil-għan li jqarrbu lill-konsumaturi lejn ir-realtà tar-razzett u jinformawhom aħjar dwar attività fundamentali bħall-produzzjoni tal-ikel.

5.4   Mexjin lejn standard ġdid tal-produzzjoni?

5.4.1

Il-ġestjoni integrata tal-pesti hi element tal-produzzjoni integrata li ser isir obbligatorju mill-2014 'il quddiem, kif stabbilit fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/128 dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi. Dan l-obbligu għall-bdiewa kollha jirrappreżenta pass importanti ħafna lejn l-iżvilupp tal-produzzjoni integrata fl-UE u jinvolvi standard ġdid tal-produzzjoni Ewropea rigward il-ġestjoni tal-pesti.

5.4.2

Għalkemm ċerti elementi klassiċi tal-produzzjoni integrata qed isiru, bil-mod il-mod, elementi obbligatorji fil-prattiki tal-bdiewa, dan m'għandux jibdel in-natura volontarja tas-sistema tal-produzzjoni integrata, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tal-bdiewa skont il-kundizzjonijiet ekonomiċi, ambjentali u ġeografiċi tagħhom. Id-deċiżjoni ta' bidwi li jibda juża l-produzzjoni integrata tinvolvi bidliet konsiderevoli fil-mod kif imexxi r-razzett tiegħu u, fuq kollox, investiment kbir fil-konsulenza teknika, it-taħriġ, il-kontrolli, il-materjali u l-prodotti speċifiċi.

Brussell, 28 ta' Frar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  EUREP-GAP, QS, QSGAP, BRC, Nature’s choice, eċċ.

(2)  A Common Codex of Integrated Farming (Kodiċi Komuni tal-Agrikoltura Integrata). L-EISA fl-2006 ippubblikat sistema tal-agrikoltura integrata, u aġġornatha fl-2012.

(3)  www.areflh.org.

(4)  Direttiva 2009/128/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi.

(5)  Fi Spanja, skont il-pjani tal-iżvilupp rurali, il-maġġoranza tal-benefiċjarji huma bdiewa li għandhom inqas minn 10 ettari raba', l-aktar fiż-żoni bi żvantaġġi speċifiċi.

(6)  http://ec.europa.eu/agriculture/eip/index_en.htm


8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/13


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk”(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 214/03

Relatur: is-Sur NARRO

Korelatur: is-Sur MORENO

Fis-sessjoni plenarja ta' Frar 2013, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha fl-4 ta' Frar 2014.

Matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar 2014) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'179 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jinnota r-relazzjonijiet kummerċjali msaħħa bejn l-UE u l-Marokk. Madankollu jappella li s-soċjetà ċivili tkun involuta aktar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u jappoġġja li l-iżvilupp sostenibbli jiġi inkluż b'mod effettiv u wiesa'.

1.2

Il-KESE jinnota li l-Marokk qed jibża' li l-ftehimiet kummerċjali l-ġodda mal-UE ser ikomplu jikkontribwixxu b'mod negattiv għall-bilanċ tal-kummerċ tiegħu. Fil-kuntest tax-xettiċiżmu dejjem jikber tas-soċjetà ċivili Marokkina, l-UE trid tirrispondi permezz ta' strateġija kummerċjali li minbarra li tippromovi l-iskambju tal-merkanzija tqiegħed ukoll is-sisien għall-ħolqien ta' impjiegi deċenti u kwalifikati, il-promozzjoni tal-ispirtu ta' assoċjazzjoni, il-konsolidazzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema (1) u r-rispett tal-ambjent.

1.3

Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli dwar l-iżvilupp sostenibbli b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles profondi u komprensivi, il-KESE jħeġġeġ lid-DĠ Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea jenfasizza li fil-ftehim jiġi inkluż kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli, li jinkludi mekkaniżmi ta' segwitu mis-soċjetà ċivili.

1.4

L-UE tista' tibbenefika b'mod sħiħ mill-potenzjal ta' qafas kummerċjali ġdid mal-Marokk biss jekk isir progress fil-protezzjoni tal-investiment u tiġi garantita ċ-ċertezza legali għall-investituri. Il-KESE jindika li l-mekkaniżmu l-ġdid għar-riżoluzzjoni tat-tilwim kummerċjali jipprovdi inċentiv biex jinħoloq ambjent ta' negozju aktar favorevoli.

1.5

Madankollu l-KESE jinsisti li s-segwitu tal-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles profondi u komprensivi mis-soċjetà ċivili għandu jiġi kkoordinat rispettivament mill-Kumitat Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali tal-Marokk u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, peress li dawn il-korpi għandhom ir-rappreżentanza u l-għarfien espert akkumulat biex iwettqu tali segwitu.

1.6

L-UE u l-Marokk għandhom ifittxu li jsaħħu l-potenzjal sħiħ ta' ftehim bħal dan billi jżidu l-livelli ta' investiment fl-oqsma kollha ta' taħriġ u fil-miżuri għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa kemm jista' jkun malajr. Għandha tingħata prijorità lill-ħtiġijiet speċifiċi taż-żgħażagħ, in-nisa u l-persuni li jkunu ġejjin mill-aktar żoni żvantaġġati. Il-KESE jemmen li l-programmi ta' għajnuna finanzjarja tal-UE jikkontribwixxu biex isir iżjed progress fid-drittijiet tal-bniedem, il-liġijiet tax-xogħol kif ukoll il-leġislazzjoni dwar l-ugwaljanza.

1.7

Jekk jingħata appoġġ finanzjarju qawwi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-istrumenti legali u operattivi, l-implimentazzjoni tas-Sħubija għall-Mobilità bejn il-Marokk u l-UE ser toħloq prospetti ġodda ta' żvilupp fl-aktar żoni vulnerabbli. Il-flussi migratorji u l-moviment liberu tal-persuni jistgħu jiġu mmaniġġjati aħjar bis-saħħa tal-parteċipazzjoni aktar attiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.8

Il-Marokk jappoġġja l-biedja bħala waħda mill-attivitajiet li jixprunaw l-ekonomija tiegħu. L-opportunitajiet ġodda għall-biedja Marokkina fis-suq Ewropew m'għandhomx iwasslu biex il-pajjiż jibda jiddependi minn pajjiżi oħra għall-materja prima bażika, inaqqas il-bijodiversità u jitlef il-biedja tal-familja (2). Il-Marokk u l-UE għandhom jikkooperaw biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-ikel.

1.9

In-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv għandhom iqarrbu l-leġislazzjoni Marokkina lejn l-acquis communautaire. Dan il-proċess ser ikun wieħed kumpless u ser jeħtieġ kooperazzjoni kontinwa u mill-qrib u perjodi ta' żmien realistiċi għal suġġetti tant importanti bħall-proprjetà intellettwali u l-istandards tas-saħħa pubblika u tas-saħħa tal-pjanti.

1.10

Il-KESE jitlob li l-atturi ekonomiċi u soċjali tal-Marokk u tal-UE jieħdu sehem aktar attiv fit-tfassil, il-monitoraġġ u l-iżvilupp tal-ftehimiet kummerċjali. F'dan il-qafas, il-KESE jipproponi li jinħoloq kumitat konsultattiv konġunt magħmul mill-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali (KESA) tal-Marokk u l-KESE, fuq il-bażi tal-Artikolu 85 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni sabiex is-soċjetà ċivili organizzata tkun tista' ssegwi l-impatt tal-ftehimiet kollha bejn l-UE u l-Marokk, inkluż l-impatt totali tal-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk. Barra minn hekk, għandhom jissaħħu r-relazzjonijiet diretti bejn l-organizzazzjonijiet simili mill-Marokk u mill-UE, filwaqt li jiġu appoġġjati l-inizjattivi tagħhom f'dak li hu djalogu soċjali bejn il-ħaddiema u min iħaddem u f'oqsma oħra.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-UE u l-Marokk għandhom relazzjoni bilaterali soda li wasslet għal ftehimiet importanti fejn il-promozzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali kienet wieħed mill-pilastri ewlenin. L-UE mhux talli hi l-imsieħeb kummerċjali prinċipali tal-Marokk, iżda talli wkoll appoġġjat lil dan il-pajjiż bħala msieħeb strateġiku prijoritarju fil-ħidma favur id-demokrazija u l-prosperità fiż-żona tal-Mediterran.

2.2

Tradizzjonalment ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk kienu karatterizzati minn negozjati intensi u kultant problematiċi dwar l-aċċess għas-suq u l-liberalizzazzjoni gradwali tat-tariffi doganali. Il-biedja kienet fil-qalba ta' ħafna minn dawn id-diskussjonijiet, imma bħalissa, f'kuntest ta' liberalizzazzjoni kważi totali fis-settur agrikolu, qed jintużaw strumenti ġodda li jwasslu għal dinamika usa' li ttejjeb l-ambjent kummerċjali kollu.

2.3

Il-Marokk daħal fi proċess kumpless sabiex joqrob lejn l-acquis communautaire. B'dan l-isforz hu għandu jkun jista' jibbenefika aħjar mill-istrumenti li toffri l-Politika Ewropea tal-Viċinat u jilħaq livell ogħla ta' integrazzjoni. Ir-Renju tal-Marokk għadu l-benefiċjarju prinċipali tal-fondi Ewropej fil-qasam tal-kooperazzjoni teknika u finanzjarja.

2.4

Ir-risposta tal-UE għar-“Rebbiegħa Għarbija” kienet iffokata fuq il-promozzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali ma' erba' pajjiżi tal-Mediterran: l-Eġittu, it-Tuneżija, il-Ġordan u l-Marokk. L-UE ħaffet il-pass tal-proċess tan-negozjati mal-Marokk u msieħba oħra fil-Mediterran, u fl-istess ħin biddlet il-mod kif taqra r-realitajiet politiċi u ekonomiċi tar-reġjun u rrevediet fil-fond l-istrateġija politika tagħha għaż-żona tal-Mediterran kollha.

2.5

Min-naħa tiegħu, il-Marokk beda għadd ta' riformi li wasslu għal kostituzzjoni ġdida li għandha tadatta għall-bidliet li seħħew fir-reġjun tal-Mediterran u tirrispetta r-rekwiżiti Ewropej biex isir progress fl-integrazzjoni. Madankollu, il-KESE jemmen li l-isfidi jibqgħu kbar immens u li dawn jitolbu azzjoni kontinwa u konsistenti fit-tul.

2.6

F'din il-perspettiva kummerċjali l-ġdida, huwa indispensabbli li naħsbu dwar kif nistgħu niggarantixxu l-parteċipazzjoni effettiva tas-soċjetà ċivili tal-UE u tal-Marokk fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali, skont il-prinċipju tal-involviment tas-soċjetà ċivili fi ftehimiet kummerċjali oħrajn maqbula mill-UE reċentament. Hawnhekk għandna nikkunsidraw ukoll l-inklużjoni tal-preokkupazzjonijiet soċjali u ambjentali ta' soċjetà li bil-mod il-mod qed tirrikjedi li s-sostenibbiltà tkun il-linja li tiggwida l-ftehimiet kummerċjali futuri.

3.   It-triq twila tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk

3.1

L-UE hi l-imsieħeb kummerċjali ewlieni u l-investitur barrani prinċipali tal-Marokk. Warajha, b'qabża konsiderevoli, hemm potenzi kbar bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina, li fl-aħħar snin għamlu sforz biex isaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom ma' msieħeb fil-Mediterran.

3.2

Il-Marokk jirrappreżenta ekonomija tas-servizzi u fl-aħħar snin wettaq sforzi kbar favur id-diversifikazzjoni settorjali. Il-parti l-kbira tal-kummerċ bejn l-UE u l-Marokk issir fis-settur tal-prodotti pproċessati, it-tagħmir tat-trasport u l-makkinarju, l-ikel u l-materjal kimiku. L-ekonomija Marokkina għandha potenzjal kbir ħafna, iżda fl-aħħar sena kien hemm tnaqqis fit-tkabbir ekonomiku.

3.3

Fl-UE l-imsieħeb kummerċjali l-aktar importanti hu Franza, u qrib warajha jiġu Spanja u r-Renju Unit, li l-investimenti tagħhom huma ffokati fuq setturi bħat-turiżmu, is-servizzi, il-banek u t-trasport. Minkejja li l-kriżi ekonomika internazzjonali ma kinitx kiefra mal-Marokk, dan il-pajjiż qed jibda jbati d-danni kollaterali ta' kuntest ekonomiku inċert kif jidher f'setturi bħat-turiżmu, it-trasport jew ir-rimessi tal-emigranti. Il-faqar u l-qgħad mifrux qed joħolqu problemi ekonomiċi, ta' migrazzjoni u ta' sigurtà fir-reġjun. Din is-sitwazzjoni hi affettwata wkoll mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku Ewropew.

3.4

Fl-aħħar għaxar snin, ir-rabtiet kummerċjali tjiebu bis-saħħa tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta' assoċjazzjoni fl-2000 u l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni f'Lulju 2005 bħala parti integrali mill-Politika Ewropea tal-Viċinat. L-Istatus Avvanzat mogħti fl-2008 fetaħ it-triq għal fażi ġdida ta' assoċjazzjoni aktar ambizzjuża u wiesgħa. Fl-2012 beda jintuża mekkaniżmu ġdid għar-riżoluzzjoni tat-tilwim kummerċjali. Fl-istess sena kien hemm żewġ ftehimiet kummerċjali kontroversjali, wieħed dwar il-biedja u l-ieħor dwar is-sajd. Fl-2013 l-UE fetħet in-negozjati mal-Marokk dwar ftehim marbut mal-protezzjoni reċiproka tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, u li l-partijiet qed jittamaw li jikkonkludu qabel l-2014.

4.   Ir-Rebbiegħa Għarbija u l-iżvilupp ta' perspettiva kummerċjali ġdida

4.1

Ir-Rebbiegħa Għarbija reġgħet ħeġġet lill-Unjoni Ewropea biex terġa' tibda taqdi rwol ġdid fir-reġjun permezz ta' reviżjoni fil-fond tal-azzjonijiet, l-istrumenti u r-relazzjonijiet tagħha. L-UE adottat strumenti ġodda biex tipprova tagħti risposta rapida u koordinata, bil-għan li fil-Mediterran tinħoloq żona ta' paċi u prosperità permezz tal-liberalizzazzjoni bilanċjata u gradwali tal-kummerċ.

4.2

F'Mejju 2012, il-Kummissjoni ppubblikat pjan direzzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fir-rigward tal-imsieħba tagħha tal-Mediterran fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat il-ġdida.

4.3

Il-promozzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-imsieħba tal-Mediterran, b'mod speċjali l-Marokk, saret mira importanti tal-UE f'din l-istrateġija l-ġdida li tfittex li tegħleb kuntest politiku u ekonomiku mimli inċertezzi.

4.4

Fl-1 ta' Marzu 2013, l-UE fetħet b'mod formali n-negozjati mal-Marokk dwar ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv. L-għan, kif diġà ntwera minn ftehimiet simili negozjati (iżda li għadhom mhumiex finalizzati) mal-ġirien tal-UE tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari l-Ukraina, il-Ġeorġja u l-Moldova, huwa li mmorru lilhinn mill-fruntieri biex tinħoloq koerenza regolatorja ikbar bejn l-UE u pajjiżi ġirien speċifiċi. L-għan hu li jiġu estiżi l-kwistjonijiet tradizzjonali marbutin mal-kummerċ u li jiġu indirizzati suġġetti fundamentali għat-titjib tal-ambjent kummerċjali kollu (protezzjoni tal-investimenti, akkwist pubbliku, servizzi, eċċ.), li l-Marokk joqrob lejn ir-regoli tas-suq intern Ewropew u li jitqiesu fid-dettall kwistjonijiet speċifiċi li ġew imwarrba fin-negozjati preċedenti (proprjetà intellettwali, il-miżuri tas-saħħa pubblika u tas-saħħa tal-pjanti, eċċ.).

Il-Kummissjoni Ewropea għarfet l-importanza tal-kapitolu dwar is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali fil-konklużjoni ta' dan il-ftehim il-ġdid, b'segwitu tal-preċedent li diġà ġie stabbilit f'kull ftehim kummerċjali reċenti li ntlaħaq mill-UE. Il-KESE, talab f'diversi opinjonijiet, talab ukoll biex l-UE tagħti prijorità wkoll lill-aspetti soċjali u ambjentali fin-negozjati dwar ftehimiet ta' kummerċ ħieles.

5.   L-aspetti kummerċjali tal-iżvilupp sostenibbli. In-negozjati bejn l-UE u l-Marokk dwar ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv.

5.1

Il-ftuħ tan-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv hu l-aħħar fażi tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk. Ladarba tneħħew it-tariffi doganali fl-oqsma tal-biedja u l-prodotti industrijali, l-għan ewlieni hu li jitjieb l-ambjent tan-negozju u li l-leġislazzjoni Marokkina toqrob lejn l-acquis communautaire  (3). Dan il-ftehim bilaterali huwa importanti immens għaliex ser ikun il-mudell li jnebbaħ ftehimiet simili bejn l-UE u wħud mill-aktar imsieħba importanti tagħha fin-Nofsinhar tal-Mediterran.

5.2

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li fin-negozjati tinkludi kapitolu speċifiku dwar l-iżvilupp sostenibbli. Fil-fatt, il-kumpanija ta' konsulenza ECORYS wettqet, kif mitluba mill-UE, studju tal-impatt relatat mal-kapitolu tal-“iżvilupp sostenibbli” (4) tal-ftehim.

5.3

Dan l-istudju janalizza kwistjonijiet mill-aktar importanti u l-KESE jixtieq jagħti l-kontribut kostruttiv tiegħu dwarhom, sabiex iż-żewġ partijiet fin-negozjati jqisu li l-kummerċ għandu jkun ta' servizz għall-iżvilupp sostenibbli. Hawn taħt ser jiġu diskussi wħud mill-elementi indispensabbli li, fil-fehma tal-KESE, l-UE u l-Marokk għandhom jikkunsidraw sabiex ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom jissaħħu b'mod konsistenti mal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali.

L-iżvilupp ekonomiku

5.4

Id-defiċit kummerċjali tal-Marokk mal-UE żdied fl-aħħar snin, sa ċertu punt minħabba l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, u ħoloq ċertu xettiċiżmu min-naħa tal-Marokk fir-rigward tal-“opportunitajiet” li joffri ftehim ġdid. L-esperjenzi ta' ftehimiet preċedenti mal-Istati Uniti jew mat-Turkija jżidu l-kawtela u l-biża' minn dipendenza eċċessiva mir-riżorsi esterni. Il-biedja, settur fundamentali fil-Marokk, qed issir dejjem aktar dipendenti mill-importazzjoni tal-materja prima bħall-ħalib jew iċ-ċereali, u dan jaffettwa ħażin is-sovranità tal-ikel tal-pajjiż. L-istrateġija kummerċjali bejn iż-żewġ partijiet għandha tippromovi d-diversità produttiva.

5.5

Is-settur Ewropew qed ikompli jitlob protezzjoni akbar tal-investiment, sabiex tinħoloq iċ-ċertezza legali meħtieġa biex tiffaċilita l-investiment dirett barrani. Il-progress li sar fl-aħħar snin għandu jieħu l-forma konkreta tiegħu permezz ta' aktar bidliet fil-leġislazzjoni tal-Marokk. L-intrapriżi Ewropej qed ikomplu jappoġġjaw lill-Marokk bħala d-destinazzjoni fejn jistgħu jirrilokaw ċerti fażijiet tal-produzzjoni “off shore”. Is-setturi tal-karozzi, l-ajrunawtika u l-elettronika kienu minn tal-ewwel f'dan ir-rigward, iżda t-trasparenza fir-regolamentazzjoni u l-forom ġodda ta' kollaborazzjoni mal-intrapriżi nazzjonali jistgħu jiġġeneraw opportunitajiet ġodda.

5.6

L-UE tara potenzjal kbir biex l-intrapriżi tagħha jibbenefikaw mill-opportunitajiet ġodda fis-settur tas-servizzi u dak finanzjarju. Min-naħa tiegħu, il-Marokk qed jitlob aktar fondi Ewropej sabiex jiffaċilita dan il-proċess kumpless ta' armonizzazzjoni leġislattiva.

5.7

Il-benefiċċji ekonomiċi tal-kummerċ ħieles mal-Marokk sikwit kienu kkonċentrati f'ċerti setturi jew żoni tal-pajjiż, u b'hekk ġew imwarrba t-territorji bl-aktar żvantaġġi. L-istudji tal-impatt għandhom janalizzaw l-aktar il-vantaġġi u r-riskji li jinħolqu fil-livell lokali jew reġjonali.

L-iżvilupp soċjali

5.8

L-impuls kummerċjali l-ġdid m'għandux iwassal biex jintilfu d-drittijiet tal-ħaddiema. Il-liġi dwar it-trejdjunjins għandha tissaħħaħ u tqiegħed is-sisien sabiex jinħolqu impjiegi deċenti u ta' kwalità, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). Tradizzjonalment wieħed mill-punti dgħajfa fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk kien li ma tantx jinħolqu impjiegi.

5.9

L-UE u l-Marokk għandhom jinvestu fit-taħriġ bil-għan li mill-opportunitajiet il-ġodda jkunu jistgħu jibbenefikaw il-faxex tas-soċjetà bi ftit kwalifiki, il-ħaddiema minn żoni żvantaġġati, iż-żgħażagħ u n-nisa. Il-promozzjoni tal-intraprendituri, it-tisħiħ tal-kooperattivi u l-iżvilupp tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju għandhom ikunu wieħed mill-pilastri tal-istrateġija l-ġdida fil-qasam tat-taħriġ. L-inizjattivi relatati mal-ekonomija soċjali għandhom jiġu msaħħa.

5.10

Is-Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Marokk (5) hija l-frott ta' ħidma sfiqa miż-żewġ partijiet biex jiffaċilitaw il-moviment ħieles tal-persuni u l-ġestjoni tal-flussi migratorji. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-UE u l-Marokk li jagħtu rwol akbar lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-elementi differenti li qablu fuqhom iż-żewġ partijiet.

5.11

Din is-Sħubija għandha ttejjeb l-iskambji akkademiċi, it-trasferiment tal-għarfien tar-riċerka u l-promozzjoni tal-flussi kulturali u turistiċi. Jidher ċar li l-eżodu tal-imħuħ hu problema li għandha tiġi indirizzata permezz ta' dispożizzjonijiet speċifiċi.

5.12

L-għajnuna finanzjarja tal-UE maħsuba biex tiffaċilita l-konverġenza leġislattiva għandha tippromovi l-implimentazzjoni prattika tal-leġislazzjoni favur l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u d-drittijiet fundamentali. Mhux biżżejjed li joktru l-istrumenti favur in-nisa; għandu jsir progress regolari fil-prattika u għandha tiġi appoġġjata l-ħidma li jwettqu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

L-iżvilupp ambjentali

5.13

Il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali u r-rispett tal-bijodiversità ma jmorrux kontra l-fatt li jkun hemm dinamika kummerċjali akbar. Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ m'għandhiex tgħin biex jiżdiedu ċerti attivitajiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-ambjent. L-UE u l-Marokk għandhom jagħtu prijorità lill-armonizzazzjoni gradwali, b'perjodi ta' żmien determinati, fil-qasam ambjentali minkejja l-ispiża finanzjarja li jista' jkun hemm sabiex tiġi allinjata l-leġislazzjoni relatata mal-protezzjoni tas-saħħa u tal-pjanti, il-ġestjoni tar-residwi industrijali jew it-tniġġis tal-ilma.

5.14

L-istudji tal-impatt dwar is-sostenibbiltà li twettaq l-UE fil-qafas tar-relazzjonijiet kummerċjali tagħha mal-Marokk għadhom ma indirizzawx nuqqas kbir li għandhom dawn il-ftehimiet, jiġifieri l-monitoraġġ bir-reqqa tal-impatt ambjentali tagħhom hekk kif tavvanza l-liberalizzazzjoni kummerċjali. Huwa indispensabbli li s-soċjetà ċivili tal-UE u tal-Marokk tingħata l-istrumenti meħtieġa biex tappoġġja lill-awtoritajiet fil-ħidma diffiċli tagħhom li jżommu t-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fil-kummerċ iżda mingħajr ma jikkompromettu l-protezzjoni meħtieġa tal-ambjent.

5.15

Il-ftehim dwar is-sajd negozjat bejn l-UE u l-Marokk (6) juri l-bżonn li fi kwalunkwe tip ta' inizjattiva kummerċjali jiġu inklużi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, is-sostenibbiltà ambjentali u l-benefiċċju għall-popolazzjoni lokali affettwata. Il-ftehimiet ta' dan it-tip jistgħu jkunu leġittimi biss jekk jinkludu strumenti u indikaturi li jiggarantixxu s-sostenibbiltà tagħhom.

6.   Il-kwistjoni tal-biedja: theddida jew opportunità?

6.1

Il-qasam tal-biedja huwa element importanti fin-nisġa soċjoekonomika tal-Marokk. Fl-2012 kien jirrappreżenta 15 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) u, billi jimpjega 43 % tal-popolazzjoni attiva u jipprovdi aktar minn 78 % tal-impjiegi fiż-żoni rurali, għadu s-sors prinċipali tal-impjiegi fil-pajjiż. Is-salarju medju fil-Marokk huwa madwar 0,55-0,65 EUR/siegħa (7). Il-ħaddiema staġjonali ma jgawdux bis-sħiħ id-drittijiet tax-xogħol u għad hemm it-tħaddim tat-tfal fl-għelieqi Marokkini. It-trobbija tal-bhejjem hi importanti wkoll għall-ekonomija agrikola tal-Marokk, u tirrappreżenta 30 % tal-valur miżjud agrikolu u 20 % tal-ħaddiema fiż-żoni rurali.

6.2

Mill-banda l-oħra, l-industrija tal-ikel taqdi rwol strateġiku fl-ekonomija Marokkina. F'dan is-settur hemm 'il fuq minn 1  700 intrapriża, li jirrappreżentaw kwart tal-produzzjoni industrijali totali tal-pajjiż.

7.   Il-ftehim dwar il-biedja bejn l-UE u l-Marokk

7.1

Ir-relazzjoni soda fil-qasam agrikolu bejn l-UE u l-Marokk bdiet meta ġie ffirmat il-Ftehim Ewro-Mediterranju ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Marokk fis-26 ta' Frar 1996, u l-emendi li saru wara b'riżultat tal-ftehimiet ġodda. L-aħħar fażi ntemmet fl-2012 bi ftehim ġdid dwar il-biedja li ġie approvat b'maġġoranza mill-Parlament Ewropew.

7.2

Abbażi tal-ftehim dwar il-biedja biss, ir-relazzjoni bejn il-partijiet kienet waħda diffiċli, speċjalment fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, minħabba l-kompetizzjoni l-aktar b'rabta mal-frott u l-ħaxix, il-polemiki rigward meta jinqabżu l-kwoti u l-allegazzjonijiet dwar il-ksur tal-prezzijiet tad-dħul tat-tadam Marokkin f'ċerti żminijiet, li hu prodott ewlieni tal-ftehim.

7.3

Il-KESE jemmen li għandhom jiġu introdotti kriterji u klawsoli fil-Ftehim ta' Agrikoltura bejn l-UE u l-Marokk li bihom ikun jista' jiġi vverifikat l-impatt tal-ftuħ kummerċjali għaż-żewġ naħat, b'mod partikolari l-impatt fuq l-ambjent u d-drittijiet tax-xogħol.

8.   Il-Pjan għal Marokk Ekoloġiku

8.1

Flimkien mal-ftehim dwar il-biedja kien hemm żewġ azzjonijiet oħra għall-ġejjieni li huma marbutin mill-qrib: il-Pjan għal Marokk Ekoloġiku u l-hekk imsejjaħ “Status Avvanzat”.

8.2

Il-Pjan għal Marokk Ekoloġiku għandu l-għan li sal-2020 iżid il-valur miżjud tal-PDG agrikolu tal-Marokk, li jimmultiplika b'erba' darbiet il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa biex sal-2020 titla' għal 3 40  000 tunnellata, kif ukoll li ċ-ċitru jitla' għal 3,7 miljun tunnellata minflok 1,5 miljun tunnellata u li l-frott u l-ħaxix jiżdiedu għal 10 miljun tunnellata minflok l-4,45 miljun tunnellata attwali. Intant, is-superfiċje maħsuba għaċ-ċereali ser tonqos b'mod globali minn 5,3 miljun ettaru għal 4,2 miljun ettaru. Il-Gvern Marokkin jisħaq li jixtieq iżid il-produttività, għalkemm l-investimenti barranin ser imorru għas-settur tal-frott u l-ħaxix. Il-prijorità tal-Marokk hi li jtejjeb il-bilanċ tal-kummerċ tiegħu, u għalhekk irid jappoġġja l-esportazzjoni.

9.   L-Istatus Avvanzat

9.1

Fis-17 ta' April 2013, il-Kummissjoni ppubblikat il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Pjan ta' Azzjoni UE-Marokk li jimplimenta l-Istatus Avvanzat (2013-2017), li jgħid b'mod ċar li l-ewwel miżura fil-qasam tal-biedja hi “[i]l-modernizzazzjoni u t-tisħiħ tal-ħiliet fis-settur agrikolu fil-qafas tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u b'koerenza mal-perspettivi tal-Pjan għal Marokk Ekoloġiku”.

9.2

Dan il-pjan tat-titjib fil-qasam agrikolu inkluż fl-Istatus Avvanzat diġà qed jirċievi l-fondi tal-UE li jmorru b'mod dirett u esklużiv għall-għajnuna tat-tieni pilastru tal-Pjan għal Marokk Ekoloġiku: fl-aħħar 10 snin l-UE tat lill-Marokk EUR 1  330 miljun f'fondi għall-iżvilupp. Bejn l-2011 u l-2013 diġà ġew impenjati EUR 565 miljun oħra: EUR 70 miljun minnhom permezz tal-Programm ta' Appoġġ għall-Politiki tas-Settur Agrikolu (PAPSA), u warajh jiġi t-tieni programm b'EUR 60 miljun. Parti minn din l-għajnuna tal-UE tintuża għall-iżvilupp tal-kultivazzjoni tas-siġar fil-Mediterran, l-aktar taż-żebbuġ.

10.   Is-sigurtà tal-ikel

10.1

Dawn l-azzjonijiet kollha għall-iżvilupp tal-ekonomija agrikola tal-Marokk ser iwasslu, mingħajr dubju, biex jinkisbu l-għanijiet tal-ewwel pilastru tal-Pjan għal Marokk Ekoloġiku, jiġifieri li tiżdied l-esportazzjoni tal-frott u l-ħaxix, speċjalment tar-raba' saqwi. Mhux ta' b'xejn li r-riżultati tal-mudelli tal-Istudju tal-Valutazzjoni tal-Impatt ippubblikat mill-ECORYS fis-17 ta' Ottubru li għadda jiżvelaw il-possibbiltà ta' tkabbir fis-settur tal-frott u l-ħaxix u tal-prodotti veġetali pproċessati bis-saħħa tal-ftehim ta' kummerċ ħieles profond u komprensiv.

10.2

Dan l-isforz min-naħa tal-Marokk biex itejjeb l-effiċjenza agrikola tiegħu hu ta' min ifaħħru, iżda jinsab f'kunflitt mar-raba' skarsa. Iċ-ċereali jieħdu 65 % tas-superfiċje agrikola, u warajhom jiġu l-pjantaġġuni tal-frott (ċitru, żebbuġ) bi 11 %, il-kultivazzjonijiet industrijali (pitravi taz-zokkor, kannamieli) b'4 %, il-pjantaġġuni tal-legumi b'4 % oħra, u l-ħaxix (tadam, frawli, bettiegħ, eċċ.) bi 3 %. Il-frott u l-ħaxix jinsabu fuq quddiem nett tal-esportazzjonijiet tal-Marokk.

10.3

L-ostaklu għall-iżvilupp tat-tieni pilastru tal-Pjan għal Marokk Ekoloġiku huwa wieħed konsiderevoli: 12 % tal-art biss hi superfiċje agrikola utli, u ħafna minnha hi raba' bagħli. L-azjendi agrikoli ż-żgħar immexxijin mill-familji li jkollhom inqas minn ħames ettari ta' art jiddominaw il-pajsaġġ agrikolu (aktar minn 70 % tal-azjendi agrikoli Marokkini jokkupaw inqas minn terz tas-superfiċje agrikola).

10.4

Minħabba t-trasferiment mill-biedja taċ-ċereali għall-biedja intensiva fil-Marokk qed tiżdied is-salinizzazzjoni – li mhix xi ħaġa li ma nafux biha fix-xatt tat-Tramuntana tal-Mediterran – u din taffettwa 5 % tas-superfiċje tal-pajjiż. L-UE għandha timpenja ruħha sabiex jinstab bilanċ bejn iż-żewġ pilastri tal-Pjan għal Marokk Ekoloġiku u biex jitrawwem settur agrikolu għall-bdiewa ż-żgħar, għax attwalment huwa totalment żbilanċjat favur il-biedja għall-esportazzjoni, li teskludi l-parti l-kbira tal-produtturi Marokkini. Il-programm li jmiss ta' proġetti pilota għall-iżvilupp rurali (ENPARD) fil-Marokk jista' jiftħilhom ukoll opportunitajiet ġodda.

11.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili

11.1   Ir-riformi, il-libertà ta' assoċjazzjoni u s-soċjetà ċivili

11.1.1

F'xi pajjiżi tar-reġjun il-libertà ta' assoċjazzjoni, b'livelli differenti ta' konsolidazzjoni, bdiet minn wara t-tranżizzjonijiet demokratiċi attwali. Però fil-Marokk, qabel ir-riformi attwali, diġà kienu jeżistu għaqdiet indipedenti tal-ħaddiema, ta' min iħaddem u ta' setturi oħra tas-soċjetà ċivili li kellhom il-libertà li jieħdu azzjoni, minkejja li dan kien isir fil-limiti u r-restrizzjonijiet imposti mill-poter politiku.

11.1.2

Din is-sitwazzjoni marret għall-aħjar bis-saħħa tar-riformi li twettqu fl-aħħar snin, u għaldaqstant il-liberalizzazzjoni politika tal-Marokk sikwit titqies bħala mudell li l-pajjiżi Għarab għandhom isegwu. Madankollu xorta hemm oqsma fejn jista' jsir xi titjib.

11.1.3

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għaddejjin minn fażi ta' żvilupp, għalkemm ħafna attivisti jilmentaw fuq l-ostakli amministrattivi, b'mod partikolari fil-proċedura għar-reġistrazzjoni tal-assoċjazzjonijiet.

11.1.4

Fost l-istrumenti istituzzjonali adottati fil-qafas tar-riforma politika, ta' min isemmi l-ħolqien tal-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali (KESA) tal-Marokk fi Frar 2011, li għandu rwol konsultattiv u li jagħti pariri lill-Gvern, lill-Kamra tar-Rappreżentanti u lill-Kamra tal-Kunsilliera dwar id-direzzjoni tal-politika ekonomika, ambjentali u tat-taħriġ vokazzjonali. Il-KESA għandu r-rwol ukoll li jippromovi u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-atturi ekonomiċi u soċjali.

11.1.5

Jeżistu assoċjazzjonijiet li mhumiex rappreżentati fil-KESA iżda għandhom reputazzjoni stabbilita fil-qasam tal-ħarsien tad-drittijiet tan-nisa, tad-drittijiet tal-bniedem b'mod ġenerali u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

11.1.6

Li ġejjin huma korpi konsultattivi oħra regolati mill-Kostituzzjoni: il-Kunsill Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Osservatorju Ċentrali tal-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, il-Kunsill taż-Żgħażagħ, il-Kunsill tal-Komunità Marokkina Barra 'l Pajjiż, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni u l-Kunsill tas-Sigurtà. Il-Kunsill tal-Ġustizzja, il-Kunsill tal-Familja, il-Kunsill tal-Ugwaljanza u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsna u tal-Kultura Marokkina għad iridu jiġu stabbiliti.

11.2   Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili Ewropea u Marokkina fil-ftehimiet bejn l-UE u l-Marokk

11.2.1

Kif indikat fl-Opinjoni preċedenti tal-KESE dwar il-Marokk (8), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk ġie negozjat mingħajr ma qabel saret konsultazzjoni suffiċjenti bejn l-organizzazzjonijiet ekonomiċi u soċjali.

11.2.2

It-test tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fis-seħħ ma jwaqqafx mekkaniżmu konkret għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ u l-iżvilupp tal-istess Ftehim.

11.2.3

Il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jistabbilixxi, fl-Artikolu 85, li l-ogħla korp deċiżjonali tiegħu, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, ser jieħu miżuri biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-istituzzjoni korrispondenti tal-Marokk.

11.2.4

Billi l-KESA Marokkin diġà beda jopera u jikkollabora b'mod sħiħ mal-KESE, huwa mixtieq li ż-żewġ korpi jitolbu lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni biex joħloq Kumitat Konsultattiv Konġunt li jkun jista' jressaq rapporti u talbiet quddiem il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

11.2.5

Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt għandu jkun magħmul minn sitt rappreżentanti tal-KESA tal-Marokk u sitt rappreżentanti tal-KESE tal-UE, u jiltaqa' darbtejn f'sena, darba fil-Marokk u darba fl-UE.

11.2.6

Bl-istess mod, ikun tajjeb li jinħolqu mekkaniżmi oħra li jikkomplementaw il-parteċipazzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Marokk, pereżempju fir-rigward tad-djalogu soċjali bejn il-ħaddiema u min iħaddem.

Brussell, 26 ta' Frar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  B'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

(2)  Ara d-definizzjoni tal-biedja tal-familja li tagħti l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO). www.fao.org/family-farming-2014

(3)  Huwa mistenni li fl-2015 il-Marokk iressaq pjan ta' konverġenza leġislattiva mal-acquis communautaire.

(4)  Trade sustainability impact assestment (TSIAs) in support of negotiations of DCFTAs between the EU and the kingdom of Morocco and the Republic of Tunisia.

(5)  Nhar it-3 ta' Ġunju li għadda, fi Brussell ġiet iffirmata d-Dikjarazzjoni Konġunta li twaqqaf Sħubija għall-Mobilità bejn ir-Renju tal-Marokk, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

(6)  Fl-24 ta' Lulju, il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk iffirmaw ftehim ġdid dwar is-sajd li għandu jtemm sena u nofs mingħajr attività min-naħa tal-flotta tas-sajd Ewropea fiż-żoni tas-sajd Marokkini. Il-Parlament Ewropew għandu japprova jew jirrifjuta l-ftehim u jiżgura s-sostenibbiltà ambjentali tiegħu.

(7)  Sors: Federazzjoni Nazzjonali tas-Settur Agrikolu tal-Marokk (UMT).

(8)  Opinjoni 264/2010, relatur: is-Sinjura López Almendáriz.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-496 sessjoni plenarja tal-KESE tas-26 u s-27 ta' Frar 2014

8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/20


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ denunzja standard tal-VAT”

COM(2013) 721 final – 2013/0343(CNS)

2014/C 214/04

Relatur: is-Sur PÁLENÍK

Nhar it-8 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ denunzja standard tal-VAT

COM(2013) 721 final – 2013/0343 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta' Frar 2014.

Matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'130 vot favur, vot wieħed kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-introduzzjoni ta' denunzja standard tal-VAT. Dan huwa strument li, jekk jiġi implimentat sew, jista' jnaqqas il-burokrazija għall-kumpaniji fl-UE u b'hekk jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tas-suq uniku, filwaqt li tittejjeb l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxa u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali. Fl-istess ħin, il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex ma tiqafx bl-isforzi tagħha fir-rigward tal-implimentazzjoni.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-ikbar armonizzazzjoni possibbli tal-mod u l-forma kif titressaq denunzja standard tal-VAT, li jwasslu għal tnaqqis fil-burokrazija, speċjalment għall-kumpaniji li joperaw fil-livell internazzjonali u b'hekk isiru iktar kompetittivi. Bit-trażżin tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni jiġi evitat ukoll it-telf tal-impjiegi. Madankollu, din il-proposta hija biss l-ewwel pass żgħir fl-indirizzar tal-bosta differenzi bejn l-Istati Membri rigward ir-regoli u l-formalitajiet tal-VAT. L-ispiża u l-benefiċċji tat-tibdil tal-iskema tar-rappurtar tal-VAT (u l-proċeduri internazzjonali) għall-intrapriżi – speċjalment l-SMEs – għandhom jiġu kkunsidrati sew.

1.3

Il-KESE jagħmel referenza għall-proposta mħabbra u jenfasizza l-fatt li l-bosta differenzi li jeżistu bejn ir-regoli u l-formalitajiet tal-VAT bejn l-Istati Membri għandhom l-għeruq tagħhom fl-għażliet differenti previsti fid-Direttiva tal-VAT. Il-KESE jilqa' il-proposta mressqa, li tikkostitwixxi l-ewwel pass necessarju għal ġlieda iktar effettiva kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi u biex tonqos il-burokrazija meħtieġa fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Meta tkun qed issir ħidma favur sistema definittiva tal-VAT, għandhom jiġu kkunsidrati l-impatt fuq is-sistemi tar-rappurtar u t-tibdil fil-proċeduri interni (il-ħolqien ta' spejjeż addizzjonali għall-kumpaniji u l-awtoritajiet)."Raġunimill-Kummissjoni fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2014 “Lejn sistema finali tal-VAT”, .

1.4

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jiġu stabbiliti d-dettalji, il-proċeduri u d-definizzjonijiet tekniċi, kif ukoll il-metodi ta' kif titressaq id-denunzja standard tal-VAT. Madankollu, jinsab imħasseb dwar it-tentattiv biex il-proċedura tal-komitoloġija tintuża anke biex jiġu stabbiliti l-prinċipji tal-korrezzjonijiet għad-denunzja. Għalhekk, huwa jipproponi li d-dettalji ta' dan jitnaqqxu fil-verżjoni finali tad-Direttiva.

1.5

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tikkomunika xi aspetti tal-proposta b'mod iktar ċar, speċjalment il-possibbiltà li l-Istati Membri jiġbru l-pagamenti interim tal-VAT filwaqt li jestendu l-perjodu għad-denunzja tal-VAT għal kwart tal-mikrointrapriżi b'bejgħ ta' inqas minn EUR 2 0 00  000 u r-rekwiżit imnaqqas għall-kapaċità amministrattiva li dan ikun ifisser għall-awtoritajiet tat-taxxi tal-pajjiż.

1.6

Il-KESE japprova l-prinċipju “ta' darba biss”, li jiżgura li l-intrapriżi jipprovdu ċertu informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali darba biss. Id-data għandha tinġabar b'tali mod li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jużawha kemm għall-ispezzjoni (prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa u frodi) u għal finijiet ta' statistika. Dan jevita li jkun hemm obbligu doppju biex l-intrapriżi jimlew diversi formoli u dikjarazzjonijiet tal-VAT.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri japplikaw aħjar il-mekkaniżmi li jtejbu l-funzjonament tal-ambjent tal-kumpaniji, speċjalment billi jistabbilixxu li t-taxxa tkun dovuta biss wara li l-fattura tkun tħallset mill-akkwirent – li b'hekk tiġi evitata sitwazzjoni fejn intrapriżi onesti jkunu qed isellfu lill-istat – u li jinżammu skadenzi adatti għar-rimborż ta' tnaqqis eċċessiv tal-VAT. Fil-fehma tal-KESE, l-introduzzjoni ta' tali mekkaniżmi m'għandhiex tfisser burokrazija addizzjonali.

1.8

Il-KESE jaħseb li huwa assolutament essenzjali li l-Kummissjoni tniedi standardizzazzjoni effettiva tal-perjodi ta' żmien u skadenzi għall-firxa sħiħa ta' pagamenti relatati mal-VAT (ħlasijiet parzjali, ħlas ta' taxxa, rimborż ta' ħlasijiet eċċessivi) u korrezzjonijiet għad-denunzji tat-taxxa sabiex l-għanijiet tal-proposta jintlaħqu bis-sħiħ.

2.   Kuntest

2.1

It-tnaqqis tal-burokrazija għall-benefiċċju primarjament tal-SMEs huwa kwistjoni importanti, l-iktar għax iħalli lill-kumpaniji jiffokaw fuq il-kummerċ innifsu. Il-KESE jilqa' l-Proposta għal Direttiva, li għandha l-għan li tagħti spinta lill-kompettività internazzjonali tal-kumpaniji tal-UE u li ttejjeb il-funzjonament tas-suq uniku. Il-benefiċċju li dan ikollu għall-operazzjonijiet tal-kumpaniji jista' jissarraf f'pass pożittiv għall-ġbir tat-taxxi, il-baġits tas-settur pubbliku u dawk nazzjonali, għall-finanzjament tal-koeżjoni soċjali, għal aċċessibbiltà ikbar għas-servizzi pubbliċi u għal amministrazzjoni pubblika iktar effettiva. L-impatt globali tagħha huwa mistenni li jkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadin medju Ewropew, u anke għall-SMEs.

2.2

It-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) tipprovdi medja ta' madwar 21 % tad-dħul nazzjonali mit-taxxi, u b'hekk hija sors ta' dħul importanti għall-baġits tal-Istati Membri. Madankollu, huwa stmat li madwar 12 % tal-irċevuti potenzjali tal-VAT jibqgħu ma jinġabrux kull sena. Għalhekk, huwa kruċjali li l-UE u l-Istati Membri tagħha jfittxu li l-ġbir tal-VAT u l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni fiskali jsiru iktar effettivi, filwaqt li fl-istess ħin jappoġġjaw kull inizjattiva li tgħin biex iżżomm l-impjiegi.

2.3

Jekk tiġi implimentata sew, din il-Proposta għal Direttiva, li l-għan tagħha hu li tintroduċi denunzja standard tal-VAT, tista' ttejjeb l-effikaċja tal-ġbir tat-taxxi u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali. Hija tista' tgħin ukoll biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet tal-kumpaniji li jesportaw fis-suq uniku tal-UE.

2.4

Bħalissa, l-armonizzazzjoni tad-denunzji tal-VAT hija minima u l-Istati Membri jqisu l-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom huma u jiddeċiedu x'għandu jiġi inkluż fid-denunzji. L-istruttura attwali tas-sistema tad-denunzji tal-VAT tfisser li l-intrapriżi li qed joperaw fil-livell internazzjonali jkollhom spejjeż ogħla minħabba burokrazija komplikata u denunzji b'lingwi differenti. Il-KESE jappoġġja l-armonizzazzjoni massima tal-mod kif jintbagħtu d-denunzji tal-VAT.

2.5

L-għan tal-Proposta attwali huwa li tintroduċi denunzja standard tal-VAT biex isir eħfef biex il-kumpaniji kollha jagħmlu l-kummerċ u jnaqqsu l-burokrazija. L-intrapriżi taw l-appoġġ tagħhom għall-idea u l-SMEs b'mod partikolari qed jitolbu biex ma jkollhomx jibagħtu d-denunzji daqshekk frekwenti. Skont PwC (1) l-iffrankar nett għall-UE-27 li jsir mit-tnaqqis burokratiku u l-introduzzjoni ta' denunzja obbligatorja standard tal-VAT għall-Istati Membri kollha huwa ta' EUR 17,2 biljun.

2.6

Filwaqt li l-armonizzazzjoni tad-denunzji tal-VAT tfisser iffrankar għall-intrapriżi, tfisser ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa jkollhom jagħmlu investiment addizzjonali ta' darba biss. Skont l-istudju ta' PwC (2013), in-nefqa tal-awtoritajiet tat-taxxa fl-IT meħtieġa biex tiġi implimentata d-denunzja standard tal-VAT tkun bejn EUR 800 miljun u EUR 1 biljun. Fil-perjodu l-medju u dak twil, din in-nefqa għandha tiġi kumpensata minn żidiet fl-effikaċja tal-ġbir tat-taxxi u l-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni. Fl-istess ħin, għandu jiġi enfasizzat li l-implimentazzjoni tal-proposta ser tfisser ukoll spejjeż li ma jistgħux jiġu evitati għall-kontribwenti (tibdil tas-software tal-kontabbiltà).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa' l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tintroduċi denunzja standard tal-VAT. Din il-Proposta ttejjeb l-ambjent tal-kumpaniji fis-suq uniku tal-UE billi tnaqqas il-burokrazija u tissemplifika t-trasmissjoni tad-denunzji tal-VAT fid-diversi pajjiżi. Bl-istess formola għad-denunzji tal-VAT f'kull pajjiż isir iktar faċli biex il-kontribwenti tat-taxxa joperaw f'ħafna swieq u dan jgħin biex is-suq uniku jsir iktar kompetittiv.

3.2

Il-KESE huwa tal-fehma li dan huwa pass korrett biex nipprovaw nevitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, inżommu l-impjiegi u ntejbu l-mekkaniżmi ta' kontroll meta l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu qed jiskambjaw l-informazzjoni bejniethom u mal-kumpaniji. L-introduzzjoni ta' denunzja standard tal-VAT tagħmilha possibbli li dan jinkiseb. Apparti l-informazzjoni prevista fil-Proposta, għandu jkun possibbli biss li tintalab informazzjoni addizzjonali meta din l-informazzjoni tkun essenzjali għal spezzjoni tat-taxxa u biex jiġu miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi.

3.3

Ta' min jgħid li l-emenda proposta hija bidla kumplessa li ser taffettwa mhux biss lill-kontribwenti tat-taxxa, imma anke l-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri kollha u ser teħtieġ bidla fis-sustanza u l-forma tad-denunzji attwali tal-VAT, b'mod partikolari fir-rigward tal-fajls elettroniċi. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għall-proposta “Lejn sistema finali tal-VAT” u jenfasizza lill-Kummissjoni li l-għanijiet tagħha għandhom jiġu adottati, speċjalment fl-implimentazzjoni ta' din il-Proposta, sabiex l-aspetti relatati mad-denunzja unika tal-VAT ma jkollhomx jinbidlu b'mod radikali.

3.4

Il-KESE jindika li jista' jkun li jinqalgħu diffikultajiet f'xi każijiet li jinkorporaw id-denzunja standard tal-VAT fis-sistemi tal-awtoritajiet tat-taxxa jekk is-setgħat biex jiġu stabbiliti d-dettalji tekniċi jiġu ddelegati lill-Kummissjoni, peress li jintużaw sistemi differenti għall-ġbir u l-ipproċessar tad-denunzji tat-taxxa. Il-KESE jappoġġja dawk il-partijiet tal-Artikolu 255(a) propost fid-Direttiva tal-Kummissjoni li jittrasferixxu s-setgħat li ġejjin lill-Kummissjoni: it-twaqqif ta' dettalji tekniċi (punt (a)), it-twaqqif ta' definizzjonijiet u proċeduri (punt (b)), u l-metodi ta' sigurtà elettronika (punt (d)). Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-possibbiltà li jintużaw miżuri mhux leġislattivi, bħal approċċ volontarju jew eżempji tal-aħjar prattika, biex jinkisbu l-għanijiet tal-Proposta. Jekk il-Kummissjoni tingħata setgħat, il-KESE jixtieq jiġi kkonsultat meta jkunu qed jitfasslu d-dettalji tal-Artikolu 255(a), sabiex ikun jista' jieħu pożizzjoni.

3.5

Denunzja standard tal-VAT tagħmilha possibbli li l-Istati Membri jiskambjaw l-informazzjoni fil-ħin u tista' tkun ta' benefiċċju biex jitnaqqas il-frodi fiskali. Din id-denunzja tista' tgħin ukoll biex tagħmel il-ġbir tat-taxxi u l-konsolidazzjoni tal-baġit iktar effettivi.

3.6

Il-KESE jilqa' l-fajls elettroniċi (e-filing), filwaqt li josserva xi kumplikazzjonijiet potenzjali għal xi Stati Membri fir-rigward tas-semplifikazzjoni tal-ġbir u l-ipproċessar tad-data mid-denunzji tal-VAT u d-denunzja standard tal-VAT proposta. Dan jista' jfisser ukoll żieda fl-ispejjeż għal xi intrapriżi u għalhekk xi kumpaniji żgħar għandu jkollhom l-għażla li jressqu d-denunzja fuq il-karta, sakemm dan ma jagħmilhiex iktar diffiċli li jiġu prevenuti l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Intrapriżi b'bejgħ annwali ta' inqas minn EUR 2 0 00  000 jew ekwivalenti fil-munita nazzjonali huma eliġibbli biex iressqu denunzji kull tliet xhur. Il-KESE huwa tal-fehma li dan il-limitu huwa għoli wisq għal xi Stati Membri u jipproponi l-possibbiltà li jitnaqqas sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jqisu n-natura partikolari tal-ambjent kummerċjali tagħhom. Rigward l-emendi proposti għall-Artikolu 206, il-permess biex id-denunzji jitressqu kull tliet xhur jista' jkun ta' ħsara għall-flussi tal-flus fil-baġits tas-settur pubbliku f'xi pajjiżi. Għal din ir-raġuni, il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni żżomm l-għażla li jintużaw ħlasijiet parzjali tal-VAT biex jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis potenzjali fid-dħul tal-VAT minħabba estensjoni tal-perjodu tat-taxxa għal għadd kbir ta' kontribwenti tat-taxxa.

4.2

Il-KESE huwa favur l-istandardizzazzjoni ta' data bażika fid-denunzja u jilqa' ż-żieda ta' kaxxa għat-tnaqqis tat-taxxa fid-data u l-punti. Il-Kumitat jilqa' t-tentattiv tal-Kummissjoni biex tevita li l-implimentazzjoni tal-Proposta twassal għal żieda fil-burokrazija meta tiġi applikata biss il-parti obbligatorja tad-denunzja standard tal-VAT (taħt l-Artikolu 250). Il-KESE jappella lill-Kummissjoni tobbliga lill-Istati Membri biex jippermettu li d-denunzja standard tal-VAT titressaq bi kwalunkwe lingwa tal-Unjoni, ħaġa li tnaqqas il-burokrazija.

4.3

Il-KESE jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni ta' denunzja standard tal-VAT li tkun l-istess formola standard għall-Istati Membri kollha. Għal din ir-raġuni, il-KESE jipproponi li d-denzunja standard tal-VAT għandu jkollha żewġ partijiet u li l-Istati Membri jiddeċiedu jekk jużawx biss il-parti obbligatorja b'konformità mal-Artikolu 250 tal-Proposta għal Direttiva, jew jekk jitolbux ukoll l-ikkompletar ta' data magħżula b'konformità mal-Artikolu 251. Fl-istess ħin, huwa kruċjali li l-awtoritajiet tat-taxxa jkunu jistgħu jirrikjedu informazzjoni addizzjonali f'każijiet fejn din l-informazzjoni tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi b'mod iżjed effettiv. Il-possibbiltà li tintalab informazzjoni addizzjonali għal-perjodu limitat speċifikat minn qabel tkun ibbażata fuq applikazzjoni li tkun saret lill-kumitat tal-Kummissjoni li jitwaqqaf għal dan il-għan. Il-KESE huwa tal-fehma li din l-informazzjoni għandha tikkostitwixxi parti addizzjonali tad-denunzja standard tal-VAT sabiex il-parti obbligatorja (Artikolu 250) u l-parti fakultattiva (Artikolu 251) ikollhom formola standard anke jekk tiġi applikata eżenzjoni rigward l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa mill-kontribwenti tat-taxxa.

4.4

Il-KESE jilqa' l-proposta li titnaqqas il-burokrazija għall-kumpaniji billi ma jkunux obbligati li jipprovdu informazzjoni dwar it-taxxa darbtejn, li jkun l-effett tal-irtirar tal-Artikolu 261 tad-Direttiva. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni li xxerred eżempji tal-aħjar prattika biex l-Istati Membri jiġu mħeġġa jiġbru u jiskambjaw l-informazzjoni b'mod effettiv.

4.5

Meta d-Direttiva emendata dwar id-denunzja standard tal-VAT tiġi implimentata fil-forma finali tagħha, il-kontribwenti tat-taxxa għandhom jingħataw biżżejjed ħin biex jiskopru u jsiru familjari mal-formola l-ġdida tad-dikjarazzjoni tat-taxxa. Il-KESE huwa tal-fehma li d-denunzja standard tal-VAT hija kwistjoni importanti u għalhekk huwa kruċjali li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn il-kwalità tal-formola finali tad-Direttiva u kemm tiġi implimentata malajr. Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li tkun ħaġa tajba kieku l-iskadenza għall-implimentazzjoni tkun iktar ambizzjuża. Fl-istess ħin, il-Kumitat jappella lill-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri biex jagħtu lill-kontribwenti tat-taxxa l-ikbar appoġġ possibbli biex isiru familjari mad-diversi elementi tad-Direttiva, pereżempju billi jagħmlu disponibbli korsijiet ta' tħejjija onlajn.

4.6

Għandu jiġi enfasizzat li hemm għadd ta' dispożizzjonijiet legali (skadenzi, regoli, eċċ.) fis-seħħ fl-Istati Membri dwar ir-rimborż tal-VAT li l-Proposta attwali ma tqishomx b'mod suffiċjenti. Il-Proposta għal Direttiva lanqas ma tirrifletti b'mod ċar biżżejjed il-fatt 1) li l-Istati Membri għandhom sistemi – marbuta mal-istruttura tad-denunzja tat-taxxa – għall-analiżi tar-riskji, is-selezzjoni ta' intrapriżi għall-ispezzjoni tat-taxxa u l-iżvelar tal-frodi fiskali, u 2) li l-istruttura ta' denunzji nazzjonali tat-taxxa hija adattata għaċ-ċirkostanzi nazzjonali. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tagħmilha assolutament ċara lill-Istati Membri li lkoll għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex itejbu l-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali (awtoritajiet tad-dwana, istituti ta' statistika, eċċ.).

4.7

Il-KESE japprova l-prinċipju “ta' darba biss”, li jiżgura li l-kumpaniji jipprovdu ċertu informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali darba biss. Id-data dettaljata tista' tinġabar f'każijiet partikolari ġustifikati biex ikunu jistgħu jsiru l-kontrolli essenzjali għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi. Il-Proposta tagħmilha possibbli li tintalab informazzjoni li tippermetti li l-ispezzjoni ssir sew kemm jista' jkun, Għandu jkun possibbli li tintuża l-informazzjoni provduta għal finijiet ta' statistika, u b'hekk jiġi evitat li l-kumpaniji jkollhom jipprovdu l-istess informazzjoni lil bosta korpi u f'dokumenti u formati differenti.

4.8

Fil-fehma tal-KESE, jekk l-awtoritajiet tat-taxxa jirrimborżaw il-VAT f'perjodi adatti filwaqt li jkomplu għaddejjin bil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi f'livell adegwat, ikunu qed itejbu t-tħaddim tas-suq uniku tal-UE. Effett simili jista' jinkiseb għall-SMEs b'implimentazzjoni iktar effettiva tar-regola li tagħmel it-taxxa pagabbli biss meta tkun tħallset il-fattura. B'hekk jiġi evitat il-fenomenu mhux mixtieq ta' kumpaniji li tkun saritilhom il-frodi li jsellfu lill-gvern. Il-KESE jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw din ir-regola li tikkontribwixxi għal ambjent kummerċjali trasparenti.

4.9

Din il-Proposta għal Direttiva tipprevedi d-delega lill-Kummissjoni ta' setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-korrezzjoni tad-denunzji tat-taxxa. Fl-istess ħin, hija tagħti lill-Istati Membri d-dritt li jippermettu l-korrezzjoni tad-denunzja standard tal-VAT u li jistabbilixxu skadenzi biex jagħmlu dawn il-korrezzjonijiet. Peress li, fil-fehma tal-KESE, l-impatt li l-komitoloġija għandha fuq l-Istati Membri mhuwiex ċar hawnhekk, kull kwistjoni dwar il-korrezzjoni tad-denunzja standard tal-VAT għandha tiġi stabbilita fil-Proposta għal Direttiva stess u l-prestazzjoni sussegwenti tagħhom taqa' taħt is-setgħat tal-Istati Membri individwali. Fl-istess ħin, il-KESE jitlob li jieħu sehem b'mod attiv fit-tfassil tal-atti ta' implimentazzjoni relatati mad-Direttiva.

Brussell, 26 ta' Frar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  PwC (2013): Study on the feasibility and impact of a common EU standard VAT return.


8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/25


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

COM(2013) 554 final – 2013/0268 (COD)

2014/C 214/05

Relatur: is-Sur LIZ

Nhar il-25 ta’ Settembru u nhar it-8 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 67 u 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

COM(2013) 554 final – 2013/0268 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-10 ta' Frar 2014

Matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’mod unanimu.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-għan tal-Proposta għal Regolament (1) li dwarha ġie kkonsultat il-KESE huwa li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.

1.2

Din il-proposta għandha żewġ għanijiet: li minn naħa tippermetti li l-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi, imsejjaħ “il-Ftehim tal-UPC”, li ġie ffirmat nhar id-19 ta' Frar 2013, ikun kompatibbli mal-istatut emendat nhar il-15 ta' Ottubru 2012 (2) tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, u mar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni); u min-naħa l-oħra jikkompensa għan-nuqqas ta' regoli ta' kompetenza fir-rigward tad-difensuri li għandhom ir-residenza tagħhom f'pajjiż terz.

1.3

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-PE u l-Kunsill peress li din hija indispensabbli għaċ-ċertezza u s-sigurtà ġuridika tal-protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-Unjoni Ewropea.

1.4

Il-KESE jista' biss jilqa' b'sodisfazzjon is-sempliċità tal-erba' dispożizzjonijiet ġodda li għandhom jiddaħħlu fir-Regolament “Brussell I”, peress li jqishom neċessarji, adegwati, u bix-xieraq ġustifikati u opportuni.

1.5

Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li ma ġiex ikkonsultat fil-ħin opportun, dwar il-proposti ta' regolament li jimplimentaw kooperazzjoni msaħħa għall-ħolqien ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja u tal-pakkett li jistabbilixxi l-Qorti Unifikata tal-Privattivi, meta wieħed iqis l-opinjonijiet li kellu l-opportunità li jipproduċi dwar dawn is-suġġetti.

1.6

Għalkemm tard, billi ma ġiex konsultat qabel, il-KESE iqajjem xi mistoqsijiet dwar l-istruttura u l-funzjonament tal-Qorti peress li jemmen li għad trid issir analiżi bir-reqqa dwarhom. B'mod partikolari, il-KESE

jisħaq li d-drittijiet tal-qorti involuti għandhom ikunu ċari u trasparenti, u għandhom japplikaw mingħajr l-ebda xorta ta' theddida għad-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja;

jirrakkomanda li l-Artikolu 14(2) jew jitħassar inkella jinbidel b'mod sostanzjali; u

jenfasizza l-bżonn li l-imħallfin magħżula jingħataw taħriġ professjonali ta' livell għoli.

2.   Sfond

2.1

Il-proposta tal-Kummissjoni lill-PE u l-Kunsill hija l-aktar l-episodju riċenti fis-saga twila dwar il-“privattiva Ewropea b'effett unitarju”.

2.2

Il-ħolqien ta' privattiva li jkollha protezzjoni uniformi legali fi ħdan l-Unjoni Ewropea ilu mistenni mis-sittinijiet. Twettqu bosta attentattivi u kien hemm bosta fallimenti.

2.2.1

Minkejja dawn id-diffikultajiet kollha, kien hemm suċċess parzjali: il-ħolqien tal-privattiva Ewropea mill-Konvenzjoni ta' Munich li ġiet iffirmata nhar il-5 ta' Ottubru, 1973, li stabbilixxiet ukoll il-proċedura komuni tal-applikazzjoni għall-privattiva Ewropea mal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO).

Iżda s-sistema legali tal-privattiva Ewropea tinqasam f'sistemi nazzjonali daqs kemm hemm pajjiżi indikati mill-applikant. Dan jispjega għalfejn l-Istati, l-istituzzjonijiet u l-utenti ilhom tant jitolbu għal sistema sempliċi ta' protezzjoni tal-privattivi uniformi fl-UE.

2.2.2

Ingħata bidu għal bosta tentattivi biex tinħoloq privattiva imsejħa “Komunitarja” u “tal-Unjoni Ewropea” iżda dawn kollha sfaxxaw fix-xejn. Pereżempju, il-Konvenzjoni tal-Lussemburgu tal-1975 dwar il-privattiva Komunitarja qatt ma daħlet fis-seħħ minħabba nuqqas ta' ftehim bejn l-Istati.

2.2.3

Kien biss fl-2000 li reġgħu bdew id-diskussjonijiet dwar il-privattiva Komunitarja tal-ġejjieni mill-Kunsill Ewropew fil-Kungress ta' Lisbona li ħabbar programm ġenerali maħsub sabiex tiżdied il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej. Immedjatament wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal regolament, li kellha l-għan li toħloq titlu unitarju ġdid tal-proprjetà industrijali: il-privattiva Komunitarja (3).

2.2.4

Fl-2003, l-Istati Membri qablu fuq approċċ ta' politika komuni mingħajr ma ntlaħaq ftehim finali, l-aktar dwar l-iskema lingwistika (4). Wara konsultazzjoni estensiva fl-2006, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni f'April 2007 li tenniet l-impenn fir-rigward ta' privattiva Komunitarja (5), segwita minn komunikazzjoni ta' Lulju 2008 dwar “Strateġija għall-Ewropa dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali” (6) u nediet in-negozjati mal-Istati Membri.

2.2.5

Fin-nuqqas ta' kunsens, u wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2011, nhar it-13 ta' April (7), 2011, il-Kummissjoni, ipproponiet il-ħolqien ta' privattiva Ewropea b'effett unitarju fil-qafas ta' koperazzjoni msaħħa. L-Istati Membri kollha minbarra l-Italja u Spanja kienu aċċettaw din is-soluzzjoni (8).

2.3

Il-“pakkett tal-privattivi” fih żewġ Regolamenti – ir-Regolament (UE) Nru 1257/2012 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja u r-Regolament (UE) Nru 1260/2012 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja, fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni (9) – kif ukoll Ftehim Internazzjonali li jistabbilixxi l-bażi għall-ħolqien ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-UE.

2.4

Il-qorti unifikata tal-privattivi hija prevista minn ftehim internazzjonali bejn 25 Stat Membru (bl-eċċezzjoni ta' Spanja u l-Polonja) li ġie ffirmat nhar id-19 ta' Frar, 2013, fil-marġini tal-Kunsill Kompetittività (10) u “barra mill-qafas istituzzjonali tal-UE” (11) u se jkun kompetenti biex jittratta d-disputi li għandhom x'jaqsmu mal-privattivi unitarji futuri u l-privattivi Ewropej “klassiċi” li jeżistu bħalissa (12).

2.4.1

Dan huwa tribunal speċjalizzat ad hoc li għandu uffiċċji lokali u reġjonali fl-UE. Minflok il-proċeduri mwettqa b'mod parallel mal-qrati nazzjonali, il-litiganti ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn deċiżjoni ta' malajr u ta' kwalità għolja, li tkun valida fl-Istati Membri fejn hija valida l-privattiva.

2.4.2

Il-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2012 iddeċieda li s-sede tad-Diviżjoni Ċentrali tal-Qorti tal-Prim'Istanza, ser tkun Pariġi filwaqt li t-taqsimiet tagħha ser ikunu f'Londra u fi Munich (13).

2.4.3

B'din is-sistema l-ġdida, ser ikun hemm punt għall-applikazzjoni ta' privattivi Ewropej b'effett unitarju fit-territorji tal-Istati involuti fil-kooperazzjoni msaħħa kif ukoll qorti li jkollha kompetenzi diversi li jvarjaw minn azzjonijiet ta' ksur, azzjonijiet għad-dikjarazzjoni ta' nuqqas ta' ksur, azzjonijiet li għandhom l-għan jiksbu miżuri provviżorji u protettivi, u inġunzjonijiet, azzjonijiet għal revoka ta' privattivi, eċċ. Din se tkun ukoll kompetenti biex teżamina il-kwistjonijiet imqajma fil-qafas tal-Artikolu 32.1 (i) fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) miċħuda.

2.5

Il-KESE kien fuq quddiem ma' dawk li minn dejjem applikaw u appoġġjaw il-ħolqien ta' privattiva Ewropea, kemm bħala tweġiba għal konsultazzjoni dwar temi ta' proprjetà industrijali u tas-Suq Intern (14), kif ukoll permezz ta' opinjonijiet fuq inizjattiva proprja jew opinjonijiet esploratorji (15).

2.5.1

Huwa ressaq ukoll opinjonijiet meta kien ġie kkonsultat biex jagħti l-fehma tiegħu dwar żewġ proposti għal deċiżjoni tal-Kunsill, waħda “li tikkonferixxi ġurisdizzjoni fuq il-Qorti tal-Ġustizzja f'tilwim relatat mal-privattiva Komunitarja” (16) u l-oħra “li tistabbilixxi l-Qorti tal-Privattiva Komunitarja u dwar l-appelli quddiem il-Qorti tal-Prim' Istanza” (17).

2.6

Madankollu, il-KESE ma kienx ġie kkonsultat dwar “il-pakkett tal-privattivi” (la dwar il-proposti għal regolament li wasslu għar-Regolament (UE) Nru 1257/2012 u 1260/2012 tas-17 ta' Diċembru 2012 (18), u lanqas dwar l-Abbozz ta' Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi, iffirmat nhar id-19 ta' Frar 2013 (19)).

3.   Proposta tal-PE u l-Kunsill

3.1

L-Artikolu 89 tal-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi, jgħid li dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ

a)

1 ta’ Jannar 2014

jew

b)

fl-ewwel jum tar-raba' xahar wara d-depożitu tat-tlettax-il strument ta' ratifika jew ta' adeżjoni f'konformità mal-Artikolu 84, inkluż it-tliet Stati Membri li fihom ħadu effett l-ogħla numru ta' privattivi Ewropej fis-sena ta' qabel is-sena li fiha jseħħ l-iffirmar tal-Ftehim (il-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit)

jew

c)

fl-ewwel jum tar-raba' xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 dwar ir-relazzjoni tiegħu ma' dan il-Ftehim,

skont liema hija l-aktar tard.

3.2

L-għan ta' din il-proposta tal-PE u l-Kunsill huwa li jadotta l-bidliet neċessarji għar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 sabiex minn naħa, tiġi żgurata l-kompatibbiltà bejn il-Ftehim tal-UPC u dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra sabiex tiġi indirizzata l-problema partikolari tar-regoli ġurisdizzjonali fir-rigward tal-konvenuti fi Stat terz (20).

3.3

Fl-istess ħin, u minħabba l-kompetenzi paralleli tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux (CJB) f'oqsma varji inkluż id-dritt għall-proprjetà intellettwali, il-proposta tqis ukoll, wara l-adozzjoni tal-Protokoll tal-15 ta' Ottubru 2012 li jemenda t-test tat-Trattat tal-31 Marzu 1965 dwar l-istabbiliment u l-istatut ta' din il-Qorti, li l-protokoll imsemmi jeħtieġ li r-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) jiġi emendat sabiex, minn naħa, jiżgura l-kompatibbiltà bejn it-Trattat rivedut u r-Regolament Brussell I (riformulazzjoni) u, min-naħa l-oħra, sabiex jikkompensa għan-nuqqas ta' regoli komuni ta' ġurisdizzjoni fir-rigward tal-konvenuti domiċiljati fi Stat terz (21).

3.4

It-test li qed jiġi eżaminat jipproponi wkoll l-emendi li ġejjin għar-Regolament (UE) 1215/2012:

a)

id-dispożizzjonijiet li jindirizzaw ir-relazzjoni bejn il-Ftehim tal-UPC u l-Protokoll għat-Trattat tal-Benelux tal-1965 fuq naħa u r-Regolament Brussell I min-naħa l-oħra;

b)

dispożizzjonijiet li jikkompletaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni uniformi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ konvenuti minn Stati terzi f’tilwim ċivili u kummerċjali miġjuba quddiem il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux fi kwistjonijiet koperti mill-Ftehim tal-UPC jew mill-Protokoll tat-Trattat tal-Benelux tal-1965.

3.5

B'mod partikolari, dawn il-bidliet jinvolvu iż-żieda ta' sentenza ġdida mal-premessa 14 u erba' dispożizzjonijiet ġodda, jiġifieri l-Artikoli 71a sa 71d tar-Regolament (UE) 1215/2012.

4.   Kummenti

4.1

Mit-tliet kundizzjonijiet biex il-ftehim dwar il-UPC jkun jista' jidħol fis-seħħ, l-unika waħda li tiddependi minn azzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE hija dik li tirreferi għall-emendi għar-Regolament 1215/2012 (22), li jħassar ir-Regolament 44/2001 (Brussell I) (23).

4.2

L-emendi proposti huma neċessarji, adegwati, u bix-xieraq ġustifikati u opportuni.

Huma neċessarji għaliex:

a)

L-ewwel nett jeħtieġ li jiġi ppreċiżat b'mod ċar u espliċitu li l-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux għandhom jitqiesu bħala qrati fi ħdan it-tifsira tar-Regolament 1215/2012 sabiex jiġu żgurati ċertezza u prevedibbiltà legali għal konvenuti li jistgħu jitressqu quddiem dawn il-qrati fi Stat Membru differenti minn dak indikat mir-regoli ta’ dan ir-Regolament.

b)

It-tieni nett, il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ konvenuti li ma jkunux domiċiljati fi Stat Membru. Barra minn dan, dan ir-Regolament għandu jiddetermina l-każijiet li fihom il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux jistgħu jeżerċitaw ġurisdizzjoni sussidjarja. L-għan ta' din il-proposta huwa evidenti: li jiġi permess l-aċċess għall-ġustizzja u evitat li l-qrati jieħdu deċiżjonijiet differenti dwar l-istess suġġett.

c)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 1215/2012 dwar il-litispendenza u azzjonijiet relatati għandhom japplikaw mhux biss meta l-applikazzjonijiet se jidhru quddiem qrati ta' Stati Membri fejn japplikaw il-ftehimiet internazzjonali hawn fuq imsemmija, u wkoll quddiem il-qrati tal-Istati Membri fejn dawk il-ftehimiet ma japplikawx, imma wkoll matul il-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 83(1) tal-Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi, il-proċeduri li jirrigwardaw ċerti tipi ta’ tilwim dwar il-privattivi Ewropej kif definit f’dik id-dispożizzjoni jitressqu quddiem il-Qorti Unifikata tal-Privattivi fuq in-naħa l-waħda u quddiem il-qorti nazzjonali ta’ Stat Membru Kontraenti għall-Ftehim tal-UPC min-naħa l-oħra.

d)

Is-sentenzi mogħtija mill-Qorti Unifikata tal-Privattivi jew mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux għandhom jiġu rikonoxxuti u infurzati fl-Istati Membri li mhumiex Partijiet Kontraenti għall-ftehimiet internazzjonali rispettivi f'konformità mar-Regolament 1215/2012.

e)

Fl-aħħar nett, is-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri li mhumiex Partijiet Kontraenti għall-ftehimiet internazzjonali rispettivi għandhom ikomplu jiġu rikonoxxuti u infurzati fl-Istati Membri l-oħra skont ir-Regolament 1215/2012.

4.3

L-emendi maħsuba huma adegwati għall-għanijiet definiti li

a)

jiġi ċċarat li l-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux huma “qrati” fis-sens tar-Regolament Brussell I;

b)

tiġi ċċarata l-operazzjoni tar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux sa fejn huma kkonċernati l-konvenuti domiċiljati fl-Istati Membri u li jinħolqu regoli uniformi dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali vis-à-vis konvenuti minn Stati terzi kontra tali konvenuti fi proċedimenti quddiem il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux f’sitwazzjonijiet fejn Ir-Regolament Brussell I fih innifsu ma jipprovdix għal regoli bħal dawn iżda jirreferi għal-liġi nazzjonali;

c)

tiġi definita l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-litispendenza u azzjonijiet relatati fir-rigward tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux fuq naħa waħda u l-qrati nazzjonali tal-Istati Membri li mhumiex Parti Kontraenti għall-ftehimiet internazzjonali rispettivi fuq in-naħa l-oħra u li tiġi ddefinita wkoll l-operazzjoni ta’ dawn ir-regoli matul il-perjodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 83(1) tal-Ftehim tal-UPC;

d)

tiġi ċċarata l-operazzjoni tar-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti tal-ftehimiet internazzjonali rispettivi u l-Istati Membri li mhumiex.

4.4

L-emendi proposti huma ġustifikati kif xieraq fir-raġuni li tippreċedi u tintroduċi l-proposta għal regolament.

4.4.1

Fl-aħħar nett, l-emenda qed isseħħ fi żmien opportun minħabba li r-Regolament 1215/2012 għandu japplika mill-10 Jannar 2015, il-Ftehim tal-UPC għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tar-raba' xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-emendi tar-Regolament 1215/2012 u dawn għandhom jidħlu fis-seħħ fl-istess jum fl-10 ta' Jannar 2015 (l-Artikolu 2 tal-proposta).

4.5

Għaldaqstant, il-KESE jaqbel u jappoġġja l-proposta peress li jqis li hija xierqa u meħtieġa biex tiġi żgurata applikazzjoni kombinata u konsistenti tal-Ftehim tal-UPC, tal-Protokoll li jestendi s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux u tar-Regolament Brussell I (riformulazzjoni).

4.6

Il-KESE jiddispjaċih madankollu li ma kienx ikkonsultat dwar l-adozzjoni tal-“pakkett tal-privattivi” (Regolament (UE) Nru 1257/2012 u r-Regolament (UE) Nru 1260/2012) kif ukoll dwar l-abbozz ta' Ftehim Internazzjonali li jqiegħed il-pedamenti għall-ħolqien ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja fl-UE.

4.6.1

Minkejja dan, il-KESE jieħu l-opportunità biex jilqa' b'sodisfazzjon il-flessibbiltà tal-koeżistenza tal-privattiva Ewropea u l-privattiva b'effett unitarju, peress li din is-sistema toffri l-possibilità li tintgħażel dik il-possibbiltà li tkun tgħodd għalihom l-aktar: privattiva Ewropea għal xi Stati Membri magħżula, u privattiva Ewropea b'effett unitarju għall-25 Stat Membru involuti fil-kooperazzjoni msaħħa.

4.6.2

Madankollu, is-semplifikazzjoni mixtieqa mill-“pakkett tal-privattivi” tqajjem xi mistoqsijiet minħabba li għadha għaddejja ħidma fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-sistema.

Fil-fatt, Dikjarazzjoni annessa mal-Ftehim tipprovdi għat-twaqqif ta' kumitat ta' rappreżentanti tal-Istati Membri li għandhom jiżviluppaw “l-arranġamenti prattiċi għall-funzjonament tajjeb tal-Qorti Unifikata”. Dan il-kumitat għandu, b'mod partikolari, il-kompitu li jipprepara r-regoli ta' proċedura tal-qorti u li jorganizza l-taħriġ tal-imħallfin (24).

4.6.2.1

Il-koeżistenza ta' mekkaniżmu ta' arbitraġġ għar-riżoluzzjoni tat-tilwimiet (25) u r-rikors possibbli għall-qorti unifikata tqajjem ukoll mistoqsijiet għaliex il-ġurisdizzjoni tal-UPP ser tvarja matul il-perjodu tranżitorju ta' 7 snin.

4.6.2.2

Id-dħul fis-seħħ tal-pakkett tal-privattiva jinvolvi wkoll kumplessità legali konsiderevoli minħabba li huwa suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-UPC skont il-formula stabbilita fil-paragrafu 3.1.

4.6.2.3

L-istruttura stess tal-UPC toħloq konfużjoni. Il-qorti tal-Prim'Istanza ser ikollha diviżjoni ċentrali fuq tliet ibliet: Pariġi għat-tekniki industrijali, it-trasport, it-tessuti tal-karta, l-istrutturi fissi, il-fiżika u l-elettriku; Londra għall-kimika, il-metallurġija u “il-ħtiġijiet tal-ħajja”, b'mod speċjali l-farmaċija; u Munich għal mekkanika, id-dawl, it-tisħin, l-armi u l-blasting. Jistgħu mbagħad jinħolqu diviżjonijiet lokali fi Stat partikolari u d-diviżjonijiet reġjonali jistgħu jinvolvu mill-inqas żewġ Stati. Fl-aħħarnett, il-Qorti tal-Appell għandu jkollha s-sede tagħha fil-Lussemburgu.

4.6.2.4

Il-fatt li wieħed ma jistax ikun jaf l-ammont totali tal-ispejjeż tal-qorti li jridu jitħallsu minn qabel jista' jimpedixxi konvenut milli jieħu azzjoni permezz tal-UPC biex jiddefendi d-drittijiet tiegħu. Dan jista' jkun ta' ħsara għad-drittijiet tal-konvenut biex ikollu aċċess għall-ġustizzja.

4.6.2.5

Huwa diffiċli biex wieħed jirrikonċilja l-Artikolu 14(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-UPC (26) mal-Artikolu 49 tal-Ftehim bejn l-Istati Membri kontraenti għall-istabbiliment tal-UPC b'mod partikolari fejn il-kompetenza tad-diviżjoni li quddiemha qed jitressaq il-każ tibbaża fuq l-Artikolu 33(1)(a). Huwa partikolarment diffiċli li wieħed jifhem eżattament liema lingwa hija applikabbli. L-Artikolu 49(3) tal-Ftehim jagħti lill-partijiet id-dritt li jaqblu dwar il-lingwa tal-proċeduri bl-approvazzjoni tal-bord kompetenti, filwaqt l-Artikolu 14(2) jgħid li “l-istqarrija tat-talba għandha titfassal fil-lingwa ta' fejn il-konvenut iwettaq in-negozju tiegħu fl-Istat Membru Kontraenti tiegħu”. Sabiex jiġu eliminati l-interpretazzjonijiet żbaljati, il-KESE jirrakkomanda li l-Artikolu 14(2) jew jitħassar jew jiġi emendat sostanzjalment.

4.6.2.6

Is-suċċess tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi jiddependi ħafna fuq il-kwalità tal-Imħallfin magħżula. Għalkemm ġejjin minn Stati Membri differenti u b'ħafna esperjenzi li jvarjaw minħabba l-ħafna differenzi fis-sistemi proċedurali tal-Istati Membri, l-Imħallfin għandhom isegwu l-Proċeduri l-ġodda tal-Qorti Unifikata tal-Privattivi. Għaldaqstant, il-kwalità u l-profondità tat-taħriġ tal-imħallfin maħtura huma importanti ħafna għas-suċċess tal-UPC mhux biss dwar Regoli ta' Proċedura ġodda applikabbli, iżda wkoll f'termini ta' kapaċitajiet lingwistiċi li huma essenzjali għall-Qorti.

4.7

Minħabba din il-kumplessità, wieħed ma jistax ma jilqax is-sempliċità tal-erba' dispożizzjonijiet ġodda li għandhom jiġu inklużi fil-“Brussell I”.

Brussell, 26 ta' Frar 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2013) 554 final

(2)  Ara t-test tad-Deċiżjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux tat-8 ta' Diċembru 2011 li tistabbilixxi Protokoll li jemenda t-Trattat tal-31 ta' Marzu 1965 relatat mal-istituzzjoni u mal-istatut ta' Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux M(2011) 9 kif ukoll it-test ta' dan l-istess Protokoll li sar fil-Lussemburgu nhar il-15 ta' Ottubru 2012, fil-Bulettin Benelux, 2012, nru 2 tal-15 ta' Novembru 2012, li jinsab hawn: http://www.benelux.int/wetten/Publicatieblad/Publicatieblad_2012-2_fr.pdf. Ara wkoll it-test oriġinali tat-Trattat tal-31 ta' Marzu 1965 kif emendat mill-Protokolli tal-10 ta' Ġunju 1981 u t-23 ta' Novembru 1984, li jinsab hawn: http://www.courbeneluxhof.be/fr/basisdocumenten.asp.

(3)  ĠU C 337 du 28.11.2000. Mhux disponibbli bil-Malti.

(4)  Il-Kunsill tal-Kompetittività, li kien jinsab viċin ħafna li jilħaq ftehim dwar il-kwistjonijiet pendenti fil-laqgħa tiegħu f'Novembru 2003 (ara MEMO/03/245), ma rnexxilux jilħaq ftehim dwar l-iskadenza għat-tressiq tat-traduzzjonijiet tat-talbiet.

(5)  COM(2007)165 final.

(6)  COM(2008) 465 final.

(7)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/167/UE dwar il-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja.

(8)  Ta' min ifakkar li nhar it-22 ta' Marzu 2013 Spanja u l-Italja rrikorrew għall-QĠUE sabiex jiġu annullati r-regolamenti li jimplimentaw kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta' protezzjoni tal-privattiva unitarja (C-146/13 u c-147/13), azzjoni li ġiet miċħuda permezz tas-sentenza tal-QĠUE tas-16 ta' April 2013.

(9)  ĠU L 361, 31.12.2012.

(10)  Il-jum ta' qabel il-PE kien ta l-kunsens tiegħu. Tabilħaqq, ir-rapport ta' Bernhard Rapkay, li jiffoka fuq ir-regolament li jistabbilixxi privattiva unitarja, ġie approvat minn 484 vot favur, 164 kontra u 35 astensjoni (Għal dan it-test, il-proċedura hija dik ta' kodeċiżjoni); ir-riżoluzzjoni ta' Raffaele Baldassarre, li tiffoka fuq l-arranġamenti għat-traduzzjoni, kien approvat minn 481 vot favur, 152 kontra u 49 astensjoni (għal dan it-test, il-Parlament Ewropew kellu biss rwol konsultattiv) u fl-aħħar nett, ir-riżoluzzjoni ta' Klaus-Heiner Lehne kienet approvata minn 483 vot favur, 161 kontra u 38 astensjoni. Din ir-riżoluzzjoni dwar is-sistema ġuriżdizzjonali għat-tilwim rigward il-privattivi hija test mhux leġislattiv.

(11)  Ara Doc 16351/12+COR 1 u Doc 6590/13 PRESSE 61 tad-19.02.2013 tal-Kunsill.

(12)  ĠU C 175, 20.06.2013.

(13)  Artikolu 7 tal-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi.

(14)  Ara l-opinjonijiet: ĠU C 155, 29.05.2001, p. 80 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 61, 14.03.2003, p. 154 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 256, 27.10.2007, p. 3; ĠU C 306, 16.12.2009, p. 7; ĠU C 18, 19.01.2011, p. 105; .ĠU C 376, 22.12.2011, p. 62; ĠU C 68, 06.03.2012, p. 28; ĠU C 234, 30.09.2003, p. 55 (mhux disponibbli bil-Malti); .ĠU C 234, 30.09.2003, p. 76 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 255, 14.10.2005, p. 22 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 93, 27.04.2007, p. 25 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 204, 09.08.2008, p. 1; ĠU C 77, 31.03.2009, p. 15; ĠU C 132, 03.05. 2011, p. 47; ĠU C 9, 11.01.2012, p. 29; ĠU C 24, 28.01.2012, p. 99; ĠU C 76, 14.03.2013, p. 24.

(15)  Ara l-opinjonijiet: ĠU C 100, 30.04.2009, p. 65; ĠU C 44, 11.02.2011, p. 68; ĠU C 143, 22.05.2012, p. 17; ĠU C 299, 04.10.2012, p. 165; CESE3154/2013 (Għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(16)  ĠU C 112, 30.04.2004, p. 81. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(17)  ĠU C 112, 30.04.2004, p. 76. (Mhux disponibbli bil-Malti).

(18)  Il-proposti COM(2011) 215/3 final u COM(2011) 216/3 final, tat-13 ta' April 2011.

(19)  Abbozz ta' Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi u Abbozz tal-Istatut – test finali rivedut mill-Presidenza 16074/11, tal-11.11.2011.

(20)  Din il-proposta ntbagħtet lill-parlamenti nazzjonali kollha tal-Istati Membri tal-UE nhar is-17 ta' Settembru 2013, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà (SĠ-Greffe (2013)D/14401).

(21)  Il-Qorti tal-Benelux tal-Ġustizzja, li nħolqot permezz tat-trattat tal-31 ta' Marzu 1965, hija ġurisdizzjoni kondiviża bejn il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi, u li l-kompetenza tagħha hija li tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta' regoli komuni għall-pajjiżi tal-Benelux fl-oqsma differenti, inkluż id-dritt għall-proprjetà intellettwali. Madankollu, il-Protokoll tal-15 ta' Ottubru 2012 jippermetti li jiżdiedu l-kompetenzi ġurisdizzjonali ta' din il-qorti, u li jiġu inklużi oqsma koperti mir-Regolament Brussell I, meta l-għan oriġinali tagħha kien, essenzjalment, li tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' regoli komuni għall-pajjiżi tal-Benelux

(22)  ĠU L 351, 20/12/2012, p. 1; ara l-opinjoni ĠU C 218, 23.7.2011, p. 78.

(23)  ĠU L 12, 16/01/2001, p. 1 (Mhux disponibbli bil-Malti); ara l-opinjoni ĠU C 117, 26.4.2000, p. 6 (Mhux disponibbli bil-Malti.

(24)  http://www.unified-patent-court.org/

(25)  L-Artikolu 35 tal-Ftehim tal-UCP.

(26)  Unified Patent Court (UPC).


8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa”.

COM(2013) 654 final

2014/C 214/06

Relatur: is-Sur XAVIER

Korelatur: is-Sur TRANTINA

Nhar il-25 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa

COM(2013) 654 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Frar 2014.

Matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 226 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-għodod tal-ICT qegħdin jintużaw b’mod gradwali fl-oqsma kollha tal-ħajja ta’ kulħadd. Il-KESE huwa tal-fehma li approċċ diġitali fis-sistemi edukattivi għandu jgħin biex jitjiebu l-kwalità u l-kreattività tal-edukazzjoni li tiġi proposta lill-komunità, b’mod partikolari jekk tintuża b’sens komun.

1.2

Il-KESE huwa konvint li r-rwol tal-għalliema huwa ċentrali għas-suċċess tal-inizjattiva “Niftħu l-Edukazzjoni”. Il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-inizjattiva, flimkien ma’ taħriġ adegwat, hija essenzjali biex “niftħu l-edukazzjoni” b’mod innovattiv bl-użu tat-teknoloġiji l-ġodda u għar-Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER) f’kuntest ta’ tagħlim u apprendistat għal kulħadd.

1.3

Il-KESE jisħaq li l-mobilizzazzjoni tal-atturi kollha u l-appoġġ għall-ħolqien ta’ “sħubijiet ta’ apprendistat” fi ħdan is-soċjetà, li jinvolvu l-iskejjel, in-negozji, il-kunsilli lokali, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-NGOs li jaħdmu maż-żgħażagħ, ħaddiema li jaħdmu maż-żgħażagħ u oħrajn li jaħdmu mal-komunità, il-ġenituri u l-istudenti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-“kurrikula”, huma essenzjali biex din l-inizjattiva jkollha suċċess u tipproduċi riżultati konkreti fi klima tajba ta’ bidla fil-paradigma edukattiva.

1.4

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-programmi ta’ finanzjament Ewropew u fuq kollox dawk nazzjonali jiġu użati b’mod effiċjenti biex it-teknoloġiji l-ġodda u r-riżorsi edukattivi miftuħa jiġu użati bl-aħjar mod u adattati kif xieraq għall-kurrikuli. Il-prattiki tajbin li hemm f’xi Stati Membri dwar, pereżempju, l-inċentivi li jiġu proposti lill-intrapriżi li joffru lill-iskejjel tagħmir tat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT), għandhom jiġu notati, pubbliċizzati u inkuraġġuti.

1.5

Il-KESE jqis essenzjali li l-għodod għar-rikonoxximent tal-ħiliet li jinkisbu bl-użu tal-ICT jkunu ċari għal kulħadd u li l-applikazzjoni tagħhom tiġi vvalutata regolarment. Iż-Żona Ewropea għall-Ħiliet u l-Kwalifiki, li bħalissa qed tiġi żviluppata, għandha tikkontribwixxi għal dan l-isforz ta’ trasparenza u validazzjoni tal-ħiliet. Dan huwa essenzjali biex jiġi żgurat li kulħadd ikun komdu bis-sistema.

1.6

Il-KESE jaqbel fermament li huwa meħtieġ approċċ komprensiv u ppjanat tajjeb fl-applikazzjoni tal-miżuri li jippromovu l-użu ta’teknoloġiji ġodda fil-proċessi ta’ tagħlim kemm dwar il-Korsijiet Onlajn Miftuħa Massivi (MOOCs) kif ukoll dwar ir-Riżorsi Edukattivi Miftuħa (OER). L-għalliema żgur se jibqa’ jkollhom rwol essenzjali tul il-proċess tal-edukazzjoni permezz ta’ taħriġ u inċentivi adegwati. L-edukazzjoni bbażata fuq it-teknoloġija ġabet sfidi ġodda għall-Ewropa. It-teknoloġija mingħajr għalliema titlef il-valur edukattiv tagħha, filwaqt li għalliema diġitalment kunfidenti se jibqgħu partijiet interessati essenzjali biex l-edukazzjoni ssir attraenti għall-istudenti.

1.7

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa ta' inklużjoni akbar meta jintużaw l-għodod tal-ICT fl-edukazzjoni, b’mod partikolari għall-istudenti minn kuntesti żvantaġġjati, li mhumiex kapaċi jakkwistaw l-apparat meħtieġ, ma jistax ikollhom aċċess xieraq għall-Internet u li ma jistgħux jixtru kontenut. Hemm għadd kbir ta’ eżempji tal-aħjar prattika minn madwar l-Ewropa kollha dwar kif jingħelbu dawn l-ostakli u kif dawk ikkonċernati jiġu mgħammra bl-għodod li jeħtieġu. L-aħjar prattiki għandhom jiġu skambjati u inkuraġġuti.

1.8

Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li teknoloġiji ġodda bbażati fuq l-Internet jippermettu t-trasferiment transkonfinali tal-għarfien lil hinn mill-fruntieri, u b’hekk tiġi promossa l-konverġenza tal-edukazzjoni fl-Istati Membri. Dan huwa importanti għall-mobbiltà tal-impjegati u l-impjegaturi futuri fis-swieq magħquda li l-Unjoni Ewropea ser ikollha.

1.9

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi l-mekkaniżmi ta’ appoġġ u koordinazzjoni meħtieġa għal implimentazzjoni mgħaġġla u effettiva tal-proposti diskussi f’dan id-dokument, il-kejl tal-progress u l-promozzjoni tal-iskambju ta’ prattiki tajbin fil-livell tal-UE. Il-KESE huwa tal-fehma li implimentazzjoni xierqa tal-proposti se tgħin ukoll biex jinkisbu l-għanijiet ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.   Kuntest

2.1

Il-Kummissjoni Ewropea nediet l-inizjattiva “Niftħu l-edukazzjoni”, pjan ta’ azzjoni li għandu l-għan li jsolvi l-problema tan-nuqqas ta’ użu jew użu ineffikaċi tal-ICT fl-edukazzjoni, kif ukoll biex jitranġaw nuqqasijiet oħra b’rabta mat-teknoloġiji diġitali li jżommu lill-iskejjel u lill-universitajiet milli jgħaddu tagħlim ta’ kwalità għolja u jgħallmu l-ħiliet diġitali li jkunu meħtieġa f’90 % tal-impiegi minn issa għall-2020.

2.2

Din l-inizjattiva konġunta, li tpoġġiet taħt id-direzzjoni tas-Sinjura Androulla Vassiliou, Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ u s-Sinjura Neelie Kroes, Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli mill-Aġenda Diġitali, tikkonċentra fuq tliet aspetti prinċipali:

il-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-innovazzjoni għall-organizzazzjonijiet, l-għalliema u l-istudenti;

użu akbar tar-riżorsi edukattivi miftuħa, li jiżgura li l-għodod didattiċi li jiġu żviluppati bil-fondi pubbliċi jkunu aċċessibbli għal kulħadd; u

titjib fl-infrastruttura u l-konnettività tal-ICT fl-iskejjel.

2.3

L-inizjattivi marbuta mal-pjan ta’ azzjoni “Niftħu l-Edukazzjoni” ser jiġu ffinanzjati minn Erasmsus+, il-programm il-ġdid tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, Orizzont 2020, il-programm il-ġdid fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll mill-Fondi Strutturali tal-UE. Pereżempju, Erasmus+ ser jagħti fondi lil dawk li joffru servizzi edukattivi biex il-mudelli kummerċjali jiġu adattati għall-iżvilupp teknoloġiku u bħala kontribut għat-taħriġ tal-għalliema permezz tal-korsijiet onlajn miftuħa. Il-materjal didattiku kollu ffinanzjat minn Erasmus+ ser jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bla ħlas skont ir-regoli tal-liċenzji miftuħa.

2.4

L-impatt tal-inizjattiva “Niftħu l-edukazzjoni” ser jissaħħaħ b’rakkomandazzjonijiet li l-pubblikazzjoni tagħhom hija prevista għas-sajf li ġej mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Immodernizzar tal-Edukazzjoni Għolja. Dan il-grupp, imniedi mill-Kummissarju s-Sinjura Vassiliou, u presedut mill-President emeritu Irlandiża, is-Sinjura Mary McAleese, bħalissa qed jivvaluta kif l-edukazzjoni għolja tista’ tagħmel l-aħjar użu mill-metodi l-ġodda ta’ tagħlim u apprendistat.

2.5

Din l-inizjattiva hija marbuta wkoll mal-Gran Koalizzjoni għall-Impiegi Diġitali, sħubija li ġġib flimkien għadd ta’ atturi li qed jaħdmu kontra n-nuqqasijiet fil-ħiliet tal-ICT u biex jimtlew madwar 9 00  000 post vakanti f’dan is-settur.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

“L-edukazzjoni hija proċess soċjali” (John Dewey), u se tibqa’ tali bl-użu fuq skala kbira tal-ICT. Ir-rwol tagħha mhux biss li tittrasferixxi l-għarfien, iżda wkoll li tifforma ċ-ċittadini.

3.2

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titlu “Niftħu l-Edukazzjoni” li tippermetti l-promozzjoni ta’ sistema tal-edukazzjoni moderna, kif ukoll l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-komunità tal-istudenti, l-għalliema u s-soċjetà kollha, bil-faċilitazzjoni tal-użu ta’ ħiliet diġitali ġodda u bil-ħolqien ta’ soluzzjonijiet ġodda fil-qasam tal-ICT, li jiżguraw l-effikaċja tal-proċess tat-trasferiment tal-għarfien

3.3

L-edukazzjoni hija waħda mill-pilastri tas-soċjetajiet moderni u dritt tal-bniedem. L-ebda pajjiż ma jista’ jsalva jew jiżviluppa mingħajr sistema edukattiva tajba. Iċ-ċavetta tas-suċċess bħalissa tinsab fl-applikazzjoni tal-ICT fit-trasferiment tal-għarfien bil-kumbinazzjoni ta’ metodi moderni u tradizzjonali. L-edukazzjoni għandha ssegwi l-approċċ it-tajjeb, billi tikkonċentra fuq l-iżvilupp integrat ta’ kull individwu, filwaqt li jintlaħqu wkoll il-ħtiġijiet reali tas-suq għall-ħiliet. Barra minn hekk, is-sistemi edukattivi tal-Unjoni Ewropea jridu jirrispondu wkoll għall-bżonnijiet tas-setturi li ma jagħmlux qligħ bħal ċerti oqsma tar-riċerka, ix-xjenza u l-arti mingħajr ma jiġu injorati l-bżonnijiet tas-swieq bi qligħ.

3.4

L-iskejjel minn dejjem kellhom rwol pijoniristiku fil-qasam tal-innovazzjoni. Għal din ir-raġuni, fil-fehma tal-KESE, iċ-ċavetta tas-suċċess tal-edukazzjoni tinsab ukoll fil-bilanċ bejn metodi ta’ tagħlim imsejħa “tradizzjonali” u l-użu tat-teknoloġiji u l-approċċi l-ġodda. Barra minn hekk, il-KESE jqis ukoll li s-sistemi edukattivi għandhom jiġu adattati skont l-iżviluppi tas-soċjetà fil-livell dinji kif ukoll fid-dawl ta’ sfidi ġodda.

3.5

Tul is-snin, il-KESE tratta t-tema tal-approċċi innovattivi fil-qasam tal-edukazzjoni (1). Pereżempju, fl-opinjoni reċenti tiegħu bit-titlu “Ir-reviżjoni tal-edukazzjoni”, huwa enfasizza li għad hemm il-lok li tingħata importanza lit-tagħlim tax-xjenzi, it-teknoloġiji, l-inġinerija u l-matematika fid-dawl tan-natura ċentrali tagħhom fl-iżvilupp tas-soċjetà teknoloġika li fiha ngħixu, li jagħti importanza kbira lir-riżorsi umani li għandhom għarfien tajjeb ħafna tax-xjenzi u t-teknoloġija. Madankollu huwa essenzjali li dawn id-dixxiplini jiġu ppreżentati lill-komunità tal-istudenti b’mod aktar kreattiv u interessanti, sa mill-edukazzjoni preprimarja. Dan l-approċċ bikri kellu riżultati tajba u jista’ jitqies bħala prattika tajba f’diversi Stati Membri.

3.6

L-approċċi diġitali u onlajn huma t-tnejn importanti. Madankollu l-KESE jtenni li jekk wieħed juża materjal ġdid, ħiliet ġodda u formati ġodda għat-trasferiment tal-għarfien, ikun essenzjali li jitjiebu l-kontenut, l-effiċjenza tat-tagħlim u r-riżultati tat-tagħlim.

3.7

Il-KESE huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni ta’ korpi ta’ għalliema kif ukoll tal-imsieħba soċjali li jirrappreżentaw l-interess tagħhom hija essenzjali biex il-proċess ta’ ftuħ tal-edukazzjoni jkun effikaċi. F’din il-perspettiva, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea li jiġu promossi netwerks ta’ għalliema volontarji għall-iskambju ta’ prattiki tajbin u t-tnedija ta’ inizjattivi ġodda.

3.8

Minn aspett kummerċjali, il-KESE jinnota li l-approċċi u l-ambjenti diġitali l-ġodda joffru opportunitajiet konsiderevoli. Madankollu, il-KESE jqis li wieħed għandu jibqa’ prudenti, b’mod partikolari fl-użu tas-“sorsi miftuħa”. Għalkemm il-KESE jqis li l-korsijiet u r-riżorsi miftuħa għandhom rwol fil-proċess, iqis li s-suq għandu bżonn ċertu ammont ta’ klassifikazzjoni u standardizzazzjoni (volontarji) fid-dawl tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (2). Analiżi kritika tal-kwalità tar-riżorsi edukattivi hija wkoll importanti u rakkomandabbli.

3.9

Il-KESE jagħraf il-vantaġġi ta’ “industrija” ta’ “riżorsi edukattivi miftuħa” peress li dawn tal-aħħar huma utli għall-proċess edukattiv u jippermettu l-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi. Aċċess kontinwu għal kulħadd għal kontenut pedagoġiku ta’ kwalità tajba li jkun aċċessibbli b’mod ħieles m’għandu l-ebda utilità jekk dan il-kontenut ma jistax jintuża minħabba li jkun f’lingwa li l-parti l-kbira tal-komunità lokali ma tifhimx.

3.10

Għall-KESE, huwa ċar li għalkemm id-dokument jiddiskuti strateġiji fil-livell Ewropew, l-implimentazzjoni reali tas-soluzzjonijiet tiddependi mill-mod li bih kull Stat Membru jiżviluppa l-politiki tiegħu. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-mexxejja politiċi tal-Istati Membri biex jagħtu impenn serju biex jiżguraw l-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet issuġġeriti fil-livell Ewropew indipendentement mid-differenzi fil-livell ta’ avvanz bejn l-Istati Membri f’dawn l-oqsma.

3.11

Kif ġie indikat qabel, din ir-“revoluzzjoni”, bħal kull tibdil kbir, tirrikjedi li kull Stat Membru jieħu ċerti inizjattivi politiċi. F’din il-perspettiva, il-KESE jappella għal użu adegwat tal-programmi ta’ finanzjament, Ewropej u fuq kollox nazzjonali, li huma disponibbli biex jappoġġjaw “ir-revoluzzjoni” pedagoġika ssuġġerita. Filwaqt li l-programm Erasmus+ u ċerti miżuri tal-programm Orizzont 2020 ma joffrux soluzzjoni għal kollox, minkejja ż-żieda apprezzata ħafna fl-allokazzjonijiet baġitarji, il-kumbinazzjoni adegwata tal-baġits nazzjonali ma’ dawn il-programmi tista’ xorta waħda toffri stimolu ġenwin għas-sistemi edukattivi. Approċċ ta’ dan it-tip jirrikjedi li kull Stat Membru jadotta strateġiji u deċiżjonijiet politiċi adatti, fil-konsapevolezza li ma teżistix soluzzjoni waħda għal kulħadd.

3.12

Indipendentement minn dak li ntqal dwar l-importanza tat-teknoloġiji diġitali, l-edukazzjoni trid tinfetaħ ukoll għal forom oħra ta’ tagħlim (eż. għall-edukazzjoni nonformali barra mill-iskejjel). F’dan ir-rigward, għandu jissemma li l-mezzi ta’ komunikazzjoni (f’dak li jirrigwarda riżorsi pedagoġiċi informali) għadhom relattivament ftit preżenti fil-proċess edukattiv minkejja l-potenzjal enormi tagħhom biex jikkomplimentaw l-edukazzjoni formali u għall-kontribut li jistgħu jagħtu biex jinftiehem il-kontenut diġitali.

3.13

Il-promozzjoni tal-użu tat-teknoloġiji l-ġodda għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-aċċessibbiltà u l-integrazzjoni soċjali tal-komunità kollha ta’ dawk li jitgħallmu, b’mod partikolari fid-dawl tad-differenzi tal-kuntesti soċjali tagħhom u bħala konsegwenza l-modi differenti li bihom jidħlu f’kuntatt mad-dinja diġitali.

3.14

Il-KESE jfakkar fil-ħtieġa li fid-definizzjoni tal-aħjar prattiki u approċċi ma tipparteċipax biss il-komunità ta’ dawk li jitgħallmu iżda s-soċjetà kollha bħala kontribut deċiżiv biex jitjiebu r-riżultati tat-tagħlim.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Ambjenti ta’ tagħlim miftuħa (open learning)

4.1.1

Hemm bżonn ta’ investiment akbar u aħjar fil-kwalità tal-edukazzjoni u l-formazzjoni biex jitjiebu l-ħiliet u l-impjegabbiltà fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. F’ċerti Stati Membri, b’mod partikolari, il-prijoritajiet iridu jkunu ċari għall-komunità kollha. Ma jagħmel l-ebda sens li wieħed jinvesti fl-infrastruttura jekk fl-istess ħin ikun hemm tnaqqis fl-investiment fit-taħriġ tal-għalliema. L-investimenti għandhom isegwu għan doppju, jiġifieri: i) tisħiħ tal-kapaċità loġistika tal-iskejjel u l-infrastrutturi ta’ appoġġ, u ii) titjib tal-element “għarfien” tal-proċess edukattiv. Dan il-metodu huwa essenzjali jekk wieħed irid jikseb vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli fil-qafas tal-programmi differenti ta’ finanzjament Ewropew u nazzjonali.

4.1.2

L-aħjar prattiki għandhom jiġu kondiviżi b’mod mifrux. Għalkemm jeżistu d-differenzi (mhux biss strutturali, iżda wkoll kulturali) bejn l-Istati Membri, l-ideat, il-proċessi u l-approċċi jistgħu jiġu adattati għas-sitwazzjoni fil-livell lokali fil-pajjiż speċifiku. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħloq netwerk fil-livell Ewropew intiż li jippromovi l-aħjar prattiki u li jagħmilhom aċċessibbli għall-Istati Membri kollha

4.1.3

L-istudenti jistgħu jkunu “nattivi tad-dinja diġitali”, iżda xorta għandhom bżonn gwida biex jitgħallmu jużaw it-teknoloġiji l-ġodda għal skopijiet ta’ tagħlim biex il-proċess tal-edukazzjoni diġitali jirnexxi. Barra minn hekk, huma jridu jibdlu ċerti drawwiet tagħhom fil-qasam tat-teknoloġiji. Huma jridu jadattaw biex iwettqu ċerti ħidmiet bl-użu tat-teknoloġija li fil-bidu jistgħu jkunu diffiċli, iżda li ’l quddiem ikunu ta’ sodisfazzjon. F’diversi modi l-istudenti jridu jinbidlu daqs l-għalliema tagħhom u dan l-isforz konġunt għandu jkun preżenti.

4.1.4

It-teknoloġija għandha titqies bħala mezz, u mhux bħala għan. Jekk l-għalliema u l-istudenti ma jiġux imħarrġa, huma jistgħu jużaw għodod ġodda b’mod qadim. Id-diretturi tal-iskejjel u awtoritajiet oħra tal-edukazzjoni jeħtieġu jiżguraw li l-ġenituri jkunu infurmati bil-metodi ġodda tat-tagħlim jekk iridu li dawn isiru verament stabbiliti. Is-settur tal-edukazzjoni għandu bżonn ta’ mexxejja b’viżjoni.

4.1.5

Fil-proċess edukattiv, l-għalliema huma aktar importanti mid-daqs tal-klassijiet jew it-tul tal-lezzjonijiet, l-użu tat-teknoloġija jew in-nuqqas tiegħu u l-organizzazzjoni tal-iskejjel u tal-klassijiet. Il-fatt li t-teknoloġija qed tikseb importanza akbar fil-klassijiet jista’ jitqies bħala opportunità biex titjieb il-pożizzjoni tal-għalliema, li jimplika li r-rwol essenzjali tagħhom jiġi rikonoxxut u msaħħaħ fil-komunità. L-introduzzjoni ta’ proċessi edukattivi u teknoloġiji ġodda tat-tagħlim fil-klassijiet mhix ħaġa sempliċi peress li dan jeħtieġ għalliema kwalifikati li huma kapaċi jmexxu dan il-proċess ta’ bidla.

4.1.6

Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi jridu għaldaqstant ikunu ċerti li t-teknoloġija ma tiġix imposta fuq it-tagħlim b’mod li jipperikola l-professjonalità u l-impenn tal-għalliema. Hija t-teknoloġija li trid tkun għas-servizz tal-proċess edukattiv mmexxi mill-għalliema u mhux bil-maqlub.

4.1.7

L-investimenti fit-taħriġ tal-għalliema – bħala regola ġenerali – għandhom jaqbżu l-ammonti minfuqa fit-teknoloġija nnifisha.

4.1.8

It-teknoloġija għandha tendenza tgħin l-aktar lill-istudenti li għandhom l-anqas bżonn ta’ assistenza. L-istatistika turi li l-probabbiltà li l-istudenti fl-edukazzjoni għolja u l-gradwati jsegwu kors onlajn miftuħ massiv hija akbar milli għal oħrajn. Il-korsijiet onlajn miftuħa massivi mhumiex biżżejjed biex jegħelbu l-aktar sfidi urġenti fl-edukazzjoni, iżda jkun ta’ benefiċċju li jiġu introdotti fl-edukazzjoni sekondarja u fit-taħriġ vokazzjonali.

4.1.9

It-trasparenza u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba permezz tal-ICT (kemm ġewwa kif ukoll barra l-iskejjel) huma ta’ importanza kbira, bħalma huwa l-iżgurar tal-kwalità tal-proċessi ta’ rikonoxximent. L-istudenti, l-edukaturi u l-impjegaturi għandhom ikunu involuti fit-tfassil tal-proċessi ta’ rikonoxximent u jiġu mmotivati bihom.

4.2   Riżorsi edukattivi miftuħa

4.2.1

Biex jissaħħaħ l-użu tar-riżorsi u l-kontenuti diġitali, huwa ċar li hemm bżonn li jissaħħaħ it-tagħlim tal-lingwi barranin (speċjalment l-Ingliż), mhux biss fil-komunità tal-istudenti iżda wkoll fost l-għalliema.

4.2.2

Dawk li joħolqu l-klassijiet diġitali jeħtieġu l-ħiliet pedagoġiċi u organizzattivi neċessarji. Dawn il-klassijiet jistgħu jsaħħu l-effetti tat-tagħlim diġitali jekk ikunu maħsuba bħala spazji ta’ tagħlim attiv, iffukati fuq l-istudenti u mgħammra b’riżorsi li jippermettu li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet pedagoġiċi ta’ kull tip ta’ student.

4.2.3

Il-KESE jaqbel li s-sit elettroniku “Edukazzjoni Miftuħa Europa” huwa pass importanti li jippermetti lill-komunità tibqa’ aġġornata dwar il-proċess. Huwa tal-fehma li hemm bżonn li l-użu ta’ dan is-sit jiġi promoss b’mod adatt u li l-kontenut tiegħu jiġi segwit u vvalutat b’mod kontinwu. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-riżorsi biex dawn ikunu fil-lingwi differenti sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom.

4.3   Konnettività u l-innovazzjoni

4.3.1

Il-KESE huwa konxju mill-fatt li l-kapaċità tal-infrastrutturi tal-ICT ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, fattur importanti li għandu jitqies fl-implimentazzjoni tal-proposti differenti. Madankollu, l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-broadband, speċjalment f’żoni mbiegħda, għandu tal-anqas isir/jibqa’ prijorità.

4.3.2

Huwa importanti li jiġi żgurat aċċess usa’ tal-ICT għall-gruppi żvantaġġjati, li jippermettilhom li jiġu integrati. Is-servizzi/iċ-ċentri tal-Komunità li joffru aċċess għall-Internet u tagħlim onlajn, kif ukoll il-“libreriji elettroniċi” tal-iskejjel, joffru potenzjal kbir.

4.4   Sforzi kkonċertati lejn l-isfruttar tal-possibbiltajiet tar-revoluzzjoni diġitali

4.4.1

Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jitkejlu l-effetti ta’ dawn il-politiki. Kif ġie indikat qabel, hemm diversi approċċi u livelli differenti ta’ parteċipazzjoni tal-livell lokali fil-proċess edukattiv. Ir-“revoluzzjoni diġitali” għandha tkun tista’ titkejjel b’indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin li m’għandhomx ikopru biss il-kwistjonijiet prattiċi (perċentwali ta’ studenti li jibqgħu fis-sistema edukattiva, għadd ta’ utenti ġodda tar-riżorsi miftuħa, għadd ta’ computers u ta’ kotba elettroniċi fil-klassijiet, eċċ.), iżda wkoll l-impatt tal-metodi diġitali l-ġodda fuq l-iskejjel, l-istudenti u l-għalliema, inkluż f’termini ta’ titjib tal-ħiliet tagħhom fil-linwga.

4.4.2

Qatt mhu żejjed li wieħed ifakkar li l-komunità kollha għandha tkun involuta fil-proċess. Diġà tpoġġiet l-enfasi fuq l-għalliema u r-rwol ċentrali tagħhom iżda huwa importanti wkoll li jiġi rikonoxxut ir-rwol importanti li għandu jkollhom il-familji u l-grupp ta’ appartenenza soċjali. Fl-implimentazzjoni ta’ politiki edukattivi innovattivi u inklussivi, il-familja dejjem għandha rwol deċiżiv biex tgħin lill-komunità tal-istudenti tadatta għall-għodod il-ġodda tat-tagħlim diġitali. Huwa essenzjali li l-familja tipparteċipa b’mod attiv f’dan il-proċess ta’ bidla. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll il-kontribut uniku ta' dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ u oħrajn li jaħdmu fil-komunità, li, bħala parti mill-ħidma professjonali tagħhom, jagħmluha possibbli għal nies ta' kull età li jibbenefikaw minn inizjattivi edukattivi varji.

Brussell, 26 ta' Frar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 143–149; ĠU C 68, 6.3.2012, p. 11–14ĠU C 68, 6.3.2012, p. 1–10.

(2)  Ara KESE 1048/2012 - CCMI/092 - Kapitolu 4.


8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/36


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati”

COM(2013) 857 final

2014/C 214/07

Relatur: is-Sinjura Indrė VAREIKYTĖ

Nhar l-4 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati

COM(2013) 857 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Frar 2014.

Matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'196 vot favur, 7 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Matul dawn l-aħħar għoxrin sena, l-apprendistati saru bieb importanti li minnu ż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol. Madankollu, minkejja li l-apprendistati saru standard fis-swieq tax-xogħol Ewropej u ħafna kumpaniji bdew jikkontribwixxu b'mod attiv f'dan il-proċess, it-tixrid tagħhom ġab miegħu tħassib dejjem jikber dwar il-kontenut tat-tagħlim u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Sabiex jiffaċilitaw l-aċċess għall-impjiegi, l-apprendistati għandhom joffru kontenut tat-tagħlim ta' kwalità tajba u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, u m'għandhomx jintużaw minflok l-impjiegi regolari jew jintalbu bħala kundizzjoni għal kollokament f'impjieg.

1.2

L-apprendistati huma mezz importanti biex jiġu indirizzati l-qgħad u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet (skills mismatch) u biex issir it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol, iżda m'għandhomx jitqiesu bħala l-uniku mezz biex isir dan. Sabiex jiġu solvuti dawn il-problemi, jinħtieġu politiki kumplessi u interrelatati sew fil-livell Ewropew u sew f'dak nazzjonali. Miżuri adegwati, b'mod partikolari fil-livell nazzjonali, jistgħu jżdidu l-opportunitajiet ta' apprendistat għaż-żgħażagħ.

1.3

Flimkien mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li jsiru fit-test, il-kundizzjonijiet ewlenin biex l-iskemi tal-apprendistati jkunu aħjar u aktar aċċessibbli huma:

1.3.1

Ir-Rakkomandazzjoni għandha tinkludi apprendistati marbutin mal-programmi edukattivi u apprendistati marbutin mal-politiki attivi fis-suq tax-xogħol (maħsuba għaż-żgħażagħ qiegħda li normalment ma jkollhomx ħiliet jew ikollhom livell baxx ta' ħiliet), peress li dawn huma l-aktar forom effettivi ta' apprendistati fl-UE.

1.3.2

Għandu jkun hemm aktar appoġġ biex l-apprendistati jiġu inklużi fil-kurrikuli tal-istudju u, meta jkun possibbli, l-apprendistati għandhom isiru waqt il-kors mhux wara l-gradwazzjoni.

1.3.3

Fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali għandu jsir sforz koordinat sabiex tiżdied id-disponibbiltà tal-apprendistati, speċjalment fl-SMEs.

1.3.4

Fil-każ tal-apprendistati “għas-suq miftuħ”, għandu jiġi pprovdut pakkett bażiku tas-sigurtà soċjali (assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti u, f'każ ta' apprendistati mħallsa, leave għal raġunijiet ta' mard).

1.3.5

L-apprendisti għandhom jingħataw l-appoġġ finanzjarju meħtieġ.

1.3.6

Hemm bżonn ukoll ta' linji gwida li lill-Istati Membri u lin-negozji/organizzazzjonijiet ospitanti jgħinuhom jifhmu kif jistgħu jappoġġjaw l-iskemi tal-apprendistati permezz tas-sorsi ta' finanzjament diġà disponibbli fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali u jistabbilixxu sistemi tal-apprendistati flessibbli b'responsabbiltà finanzjarja kondiviża.

1.3.7

Jeħtieġ li jiġu offruti aktar opportunitajiet ta' apprendistati transkonfinali sabiex tiżdied il-mobbiltà taż-żgħażagħ ġewwa l-UE. Filwaqt li l-estensjoni tas-servizzi tal-EURES għall-apprendistati hi pass pożittiv, għandhom jiġu ppjanati passi oħra li jinkoraġġixxu proċessi ta' offerti miftuħa u trasparenti ta' reklutaġġ għall-apprendisti.

1.3.8

Hemm bżonn ta' data aktar b'saħħitha u ta' evalwazzjoni dwar kull tip ta' apprendistat sew fil-livell nazzjonali u sew f'dak Ewropew. Dan ifisser kemm data kwantitattiva kif ukoll data kwalitattiva li tkun tista' tintuża sabiex jiġu evalwati l-kwantità, il-kwalità, l-impatt u l-effikaċja tal-apprendistati.

1.3.9

Huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-persuni b'diżabbiltà jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-apprendistati billi jittieħdu miżuri adegwati li jżidu l-għarfien u l-aċċessibbiltà tagħhom.

1.3.10

Huwa importanti li l-atturi rilevanti kollha (l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u, b'mod partikolari, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ) jiġu involuti fit-tfassil tal-linji gwida u fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

F'Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Pakkett għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ bi tliet proposti ewlenin: il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, il-Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, u l-estensjoni tal-EURES. Il-KESE qed isegwi b'mod attiv il-proċess ta' implimentazzjoni ta' kull wieħed minn dawn l-istrumenti.

2.2

Il-Kumitat jilqa' r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati kemm bħala miżura li tiżgura l-kwalità tal-kontenut tat-tagħlim u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, kif ukoll bħala għodda biex tevita li l-apprendistati jintużaw minflok ix-xogħol regolari jew jintalbu bħala kundizzjoni biex jingħata impjieg.

2.3

Il-KESE jagħraf li l-apprendistati ta' kwalità tajba huma essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (1) (li l-għan tagħha hu li tiżgura “li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta' 25 sena jirċievu offerta ta' xogħol ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jwaqqfu l-edukazzjoni formali”) u sabiex tinkiseb il-mira ewlenija tal-Istrateġija Ewropa 2020 li 75 % tan-nies bejn l-20 u l-64 sena jkollhom impjieg. Ta' min jinnota li l-użu tajjeb tal-iskemi tal-apprendistati jista' jgħin biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, filwaqt li dawn l-iskemi jservu bħala pont fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol.

2.4

Minkejja l-progress li sar f'bosta Stati Membri, il-Kumitat jaqbel mal-konklużjoni li bħalissa l-ostakli prinċipali li jaffettwaw l-apprendistati fl-UE huma l-insuffiċjenza tal-kontenut tat-tagħlim u l-inadegwatezza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. Dan joħroġ fid-dieher ukoll f'sondaġġ reċenti tal-Ewrobarometru (2), li juri li aktar minn 28 % tal-apprendisti jaħsbu li l-esperjenza tagħhom ma kinitx jew mhix utli biex tgħinhom isibu impjieg regolari.

2.5

Il-KESE jemmen li l-apprendistati huma biss waħda mill-għodod li jistgħu jintużaw biex jiġi indirizzat il-qgħad u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet. Sabiex jissolvew dawn il-problemi, għandhom jiġu implimentati politiki kumplessi u interrelatati sew fil-livell Ewropew u sew fil-livell nazzjonali.

2.6

Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota li r-Rakkomandazzjoni tkopri biss l-apprendistati transnazzjonali u “għas-suq miftuħ” u ma tagħtix attenzjoni partikolari għal forom aktar komuni u effettivi ta' apprendistati fl-Unjoni Ewropea (3) – bħall-apprendistati marbutin mal-programmi edukattivi u l-apprendistati marbutin mal-politiki attivi fis-suq tax-xogħol maħsuba għaż-żgħażagħ qiegħda li normalment ma jkollhomx ħiliet jew ikollhom livell baxx ta' ħiliet.

2.7

Il-qafas għandu jkun flessibbli biżżejjed biex jirrifletti l-punti tat-tluq differenti fl-Istati Membri u l-leġislazzjoni u l-prattiki nazzjonali tagħhom, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

2.8

Jekk fil-Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati jiġu inklużi aktar apprendistati marbutin mal-programmi edukattivi, dan jagħmilha possibbli li jiġi adottat approċċ aktar sistematiku fir-rigward tal-apprendistati “għas-suq miftuħ”, speċjalment fid-dawl tal-metodi tal-garanzija tal-kwalità li jeżistu diġà fis-settur tal-edukazzjoni u li jistgħu jipprovdu l-mudell li fuqu jinbena mekkaniżmu effettiv għall-kontroll tal-kwalità tal-iskemi tal-apprendistati kollha. Il-ħolqien ta' strument wieħed għall-garanzija tal-kwalità f'kull tip ta' apprendistat jgħin biex il-prerekwiżiti tal-kwalità jiġu mifhuma aħjar u jsiru aktar trasparenti filwaqt li l-apprendistati jkunu aktar iffokati fuq it-tagħlim. Madankollu, huwa importanti li jiġi żgurat li dan l-istrument ma jkunx inkompatibbli mal-leġislazzjoni relatata fl-Istati Membri.

2.9

Madankollu, il-KESE jisħaq li l-adozzjoni ta' qafas leġislattiv u regolatorju ma tiggarantixxix b'mod awtomatiku li l-apprendistati jkunu ta' kwalità. Huma l-implimentazzjoni tar-regolamenti u l-monitoraġġ bir-reqqa tal-proċess sħiħ li ser jaqdu rwol ewlieni biex l-apprendistati jkunu ta' kwalità tajba. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu kif l-aħjar jindirizzaw l-apprendistati bil-għan li jiżguraw il-kwalità u jevitaw l-abbuż.

2.10

Jeħtieġ li jiġu offruti aktar opportunitajiet ta' apprendistati transkonfinali sabiex tiżdied il-mobbiltà taż-żgħażagħ ġewwa l-UE. L-estensjoni tas-servizzi tal-EURES għall-apprendistati hi pass pożittiv ħafna, speċjalment fid-dawl tal-benefiċċji addizzjonali marbutin mal-promozzjoni tal-apprendistati transnazzjonali (bħalissa 9 % biss tal-apprendistati jsiru barra mill-pajjiż2). Madankollu, għandhom jittieħdu passi oħra li jinkoraġġixxu l-proċessi miftuħa u trasparenti għar-reklutaġġ tal-apprendisti bis-saħħa tal-informazzjoni u ta' mezzi istituzzjonali. Linji gwida għall-organizzazzjonijiet ospitanti possibbli jistgħu jiddefinixxu l-prinċipji ta' proċessi miftuħa u trasparenti għar-reklutaġġ u l-kriterji ta' kwalità għall-apprendistati. Barra minn hekk, l-udenzja mmirata għandha tkun infurmata aħjar dwar programmi u opportunitajiet eżistenti relatati mal-apprendistati, speċjalment permezz tal-midja soċjali u l-internet.

3.   Ir-rwol tal-investiment fit-taħriġ

3.1

Il-KESE huwa fiduċjuż li fuq il-post tax-xogħol l-apprendisti jistgħu jagħtu kontribut għan-negozji u l-ekonomija b'mod ġenerali, filwaqt li jiksbu l-esperjenza li għandhom bżonn jekk l-ambjent ta' tagħlim fuq il-post tax-xogħol ikun strutturat b'mod tajjeb biżżejjed li jippermetti dan.

3.2

Minkejja li l-apprendistat hu opportunità ta' tagħlim, hu importanti li jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji għall-partijiet ikkonċernati kollha – l-apprendist, min iħaddmu, l-ekonomija b'mod ġenerali u b'hekk is-soċjetà. Għaldaqstant, ir-responsabbiltà li jiġu żgurati sistemi tal-apprendistati aċċessibbli u ta' kwalità tajba għandha tkun waħda kondiviża.

3.3

Il-Kumitat jemmen li r-Rakkomandazzjoni għandha tippromovi b'mod aktar attiv l-investiment fl-apprendistati. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-SMEs, peress li dawn sikwit ma jkollhomx il-kapital disponibbli biex jinvestu fl-apprendistati sakemm ma jingħatawx appoġġ speċifiku.

3.4

Ir-raġunijiet għaliex il-kumpaniji ż-żgħar jistgħu ma jinvestux biżżejjed fl-apprendistati huma marbutin mal-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs: perjodi qosra ta' żmien, l-inabbiltà li jakkumulaw il-benefiċċji mill-apprendistati f'qasir żmien, u d-differenzi fl-ispejjeż u l-benefiċċji tat-taħriġ. Apprendistat huwa investiment li r-ritorn tiegħu ma jakkumulax minnufih għan-negozju. Problema oħra għall-kumpaniji ż-żgħar li jikkunsidraw il-possibbiltà li joffru l-apprendistati hi li l-apprendist jista' ma jibqax jaħdem mal-kumpanija biżżejjed żmien biex jiġu rkuprati l-ispejjeż minfuqa fuq it-taħriġ tiegħu.

3.5

Il-KESE jemmen li l-preżenza ta' ħaddiema kkwalifikati u mħarrġin tajjeb tipprovdi wkoll benefiċċji kompetittivi, minbarra dawk li jakkumulaw il-ħaddiema individwali u l-intrapriża. Huwa għalhekk ġustifikat li l-Istat jintervjeni fis-suq billi jappoġġja lis-settur privat fir-rigward tal-apprendistati. Peress li l-SMEs joħolqu ammont nett kbir ta' impjiegi u jixprunaw it-tkabbir ekonomiku, l-investiment fl-apprendistati fil-kumpaniji ż-żgħar jista' jiġi ġġustifikat għaliex ikun qed jikkoreġi nuqqas tas-suq li jirriżulta minn fatturi esterni u beni pubbliċi (bħan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet mill-edukazzjoni): b'dan il-mod il-kumpaniji iż-żgħar ikunu jistgħu jikkontribwixxu aktar għat-tkabbir ekonomiku globali u l-benesseri tas-soċjetà b'mod ġenerali (4).

3.6

Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li jitfasslu linji gwida ta' akkumpanjament dwar kif l-Istati Membri u l-intrapriżi/organizzazzjonijiet ospitanti jistgħu jappoġġjaw l-iskemi tal-apprendistati permezz tas-sorsi ta' finanzjament diġà disponibbli fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali. Dawn il-linji gwida għandhom jinkludu wkoll eżempji ta' prattiki tajbin dwar kif is-sistemi ta' taħriġ jistgħu jiġu implimentati fil-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet.

3.7

Il-KESE jemmen li hu importanti li jiġi żgurat li min iħaddem ikun jaf x'benefiċċji netti jista' jistenna li jikseb meta jipprovdi postijiet ta' taħriġ. L-istudji fuq l-ispettru kollu tal-ispejjeż u l-benefiċċji, meta juru r-ritorn ekonomiku reali, jistgħu jinkoraġġixxu lil min iħaddem biex jirrekluta l-apprendisti. Fl-istess ħin, jeħtieġ li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar il-fatt li l-kumpaniji għandhom bżonn joffru apprendistati ta' kwalità.

4.   Kumpens u sigurtà soċjali

4.1

Billi 62 % (5) biss taż-żgħażagħ b'esperjenza ta' apprendistat kellhom kuntratt jew ftehim bil-miktub mal-organizzazzjoni jew il-kumpanija ospitanti għall-apprendistat tagħhom, il-Kumitat jappoġġja l-appell li l-ftehim bil-miktub għall-apprendistati jkun obbligatorju. Għandhom jiġu definiti standards legali komuni għall-ftehimiet għall-apprendistati. Ta' min jinnota li l-ftehimiet jew kuntratti legali bil-miktub joffru benefiċċji sew għal min jipprovdi l-apprendistat u sew għall-apprendist, peress li jżidu r-responsabbiltajiet u d-drittijiet taż-żewġ partijiet.

4.2

Il-Kumitat jirrakkomanda, madankollu, li fil-każ tal-apprendistati “għas-suq miftuħ”, il-pakkett bażiku tas-sigurtà soċjali (assigurazzjoni tas-saħħa u tal-inċidenti u, f'każ ta' apprendistati mħallsa, leave għal raġunijiet ta' mard) jiġi pprovdut minn min joffri l-apprendistat u jiġi inkluż b'mod awtomatiku fil-ftehim għall-apprendistat. Jekk l-apprendistat jitqies bħala relazzjoni ta' impjieg, b'konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali, il-liġi tax-xogħol, il-liġi soċjali u d-dispożizzjonijiet dwar il-ftehimiet kollettivi (fosthom ir-rekwiżiti relatati mas-salarju) tal-Istati Membri japplikaw. Fil-każ ta' tilwima, il-Kumitat jirrakkomanda li l-apprendisti jitqiesu bħala l-parti l-iktar dgħajfa u jipprovdihom bl-appoġġ li jeħtieġu.

4.3

Fl-Istati Membri, l-aktar metodi komuni ta' finanzjament għad-diversi tipi ta' apprendistati jinkludu l-fondi Ewropej u nazzjonali/reġjonali, l-assistenza istituzzjonali (eż. għotjiet finanzjarji universitarji), l-awtofinanzjament u r-riżorsi tal-kumpanija. Meta jkun hemm finanzjament pubbliku, dan sikwit jinvolvi appoġġ konsiderevoli mill-fondi Ewropej, l-aktar il-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Fl-apprendistati għas-suq miftuħ, però, l-awtofinanzjament huwa partikolarment komuni peress li f'ħafna każijiet l-apprendisti ma jirċevux kumpens jew jekk jirċievu dan ma jkunx biżżejjed. Il-fatt hu li 59 %5 tal-apprendisti kollha ma jirċevux kumpens finanzjarju u jiddependu minn sorsi oħra ta' finanzjament, bħat-tfaddil tagħhom stess u l-appoġġ mill-familja.

4.4

Il-Kumitat jenfasizza li, filwaqt li jkunu qed jippreparaw il-karrieri futuri tagħhom billi jżidu l-possibbiltà tagħhom li jiġu impjegati, l-apprendisti m'għandhomx ikunu fir-riskju li jiftaqru. L-apprendistati għandhom ikunu aċċessibbli b'mod ugwali għal kulħadd, u għalhekk il-fatt li ma jingħatax kumpens finanzjarju jillimita l-aċċessibbiltà tal-iskema tal-apprendistati (fl-UE, 46 % biss ta' dawk li wieġbu kienu wettqu apprendistat5). Dan jirrappreżenta diskriminazzjoni kontra ċerti kategoriji ta' żgħażagħ abbażi tal-isfond finanzjarju tagħhom.

4.5

Fir-rigward tal-approċċ tar-responsabbiltà kondiviża, il-Kumitat jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ifittxu soluzzjoni flessibbli għall-kwistjoni tal-kumpens għall-apprendisti. Dan l-approċċ għandu jiżgura li l-apprendistati jkunu ta' kwalità tajba u joffru kundizzjonijiet deċenti, iżda mingħajr ma jiskoraġġixxi lill-kumpaniji milli jipprovduhom. Il-kumpens għall-apprendistati m'għandux jitqies biss bħala qligħ, iżda wkoll bħala miżura li tiżgura opportunitajiet indaqs għaż-żgħażagħ kollha biex jieħdu sehem fl-iskemi tal-apprendistati.

4.6

Il-KESE jirrakkomanda li l-possibbiltajiet kollha jiġu analizzati u diskussi mal-imsieħba soċjali: skemi ta' ħelsien mit-taxxa għall-intrapriżi ospitanti, l-użu tal-fondi Ewropej u nazzjonali, l-iskontijiet għall-pakketti tas-sigurtà soċjali, eċċ., bil-għan li l-piż tal-kumpens ma jitpoġġiex biss fuq il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet ospitanti.

4.7

Il-KESE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea biex tniedi mill-aktar fis possibbli linji gwida tal-aħjar prattiki għall-Istati Membri u l-kumpaniji.

4.8

Il-prattiki tajba għall-apprendistati, stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni dwar il-Qafas ta' Kwalità għall-Apprendistati, għandhom japplikaw mhux biss għall-apprendistati fis-“suq miftuħ” iżda wkoll għall-apprendistati fis-settur pubbliku u l-istituzzjonijiet tal-UE.

5.   Aspetti oħra

5.1

Il-KESE japprova r-rakkomandazzjoni li l-apprendistati jdumu massimu ta' sitt xhur u li jkun hemm restrizzjoni fuq ir-repetizzjoni tal-apprendistati sabiex jiġi żgurat li l-apprendisti ma jeħdux post l-impjegati u li l-apprendistati ma jintużawx ħażin minflok l-impjiegi permanenti. Madankollu, jista' jkun adegwat li l-apprendistati transkonfinali jkunu itwal minn dawk li jsiru fil-pajjiż ta' oriġni tal-apprendist.

5.2

Il-KESE jemmen li hu kruċjali li jiġi żgurat li l-persuni b'diżabbiltà jkunu jistgħu japparteċipaw fl-iskemi tal-apprendistati bl-istess kundizzjonijiet, u jirrakkomanda li jittieħdu miżuri adegwati li jżidu l-għarfien u l-aċċessibbiltà tagħhom.

5.3

Il-KESE jitlob lill-imsieħba soċjali biex ikomplu jaħdmu fuq ir-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksubin bis-saħħa tal-apprendistati u b'modi oħra (pereżempju, permezz tal-volontarjat). F'dan il-kuntest, iż-Żona Ewropea tal-Ħiliet u l-Kwalifiki, li ġiet diskussa dan l-aħħar, tista' iżżid it-trasparenza.

5.4

Il-Kumitat jinkoraġġixxi li jkun hemm ċertifikati tal-apprendistati, iżda jirrakkomanda li jiġi żgurat li dawn iċ-ċertifikati jkollhom standard komuni; u jipproponi li jiġu kkunsidrati l-possibbiltajiet li dawn ikunu marbutin mal-Youth Pass u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki bil-għan li jiġu rikonoxxuti b'mod wiesa' u jkunu ta' benefiċċju għaż-żgħażagħ u min iħaddimhom fil-futur.

5.5

Il-Kumitat jappella li d-djalogu sew fil-livell tal-UE u sew f'dak nazzjonali għandu jiġi appoġġjat permezz tal-involviment tal-atturi rilevanti kollha (l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u, b'mod partikolari, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ) fit-tfassil tal-linji gwida u fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-qafas.

Brussell, 27 ta' Frar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

(2)  The experience of traineeships in the EU, Eurobarometer, 2013 (L-esperjenza tal-apprendistati fl-UE, Ewrobarometru, 2013).

(3)  Study on a comprehensive overview on traineeship arrangements in Member States, European Union, 2012 (Studju dwar ħarsa ġenerali komprensiva tal-arranġamenti tal-apprendistati fl-Istati Membri tal-UE, Unjoni Ewropea, 2012).

(4)  Management Training in SMEs, OECD, 2002 (It-taħriġ maniġerjali fl-SMEs, OECD, 2002).

(5)  The experience of traineeships in the EU, Eurobarometer, 2013 (L-esperjenza tal-apprendistati fl-UE, Ewrobarometru, 2013).


8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief”

COM(2013) 761 final – 2013/0371 (COD)

2014/C 214/08

Relatur: is-Sur BOLAND

Nhar il-15 ta’ Novembru 2013 u nhar it-18 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 114(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief

COM(2013) 761 final – 2013/0371 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-12 ta' Frar 2014.

Matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 227 vot favur, u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief. Madanakollu jiġbed l-attenzjoni għall-kritika mifruxa li d-Direttiva proposta tista’ ma tilħaqx l-għan tagħha li tnaqqas l-użu tal-basktijiet tal-plastik fil-futur immedjat.

1.2

Il-KESE jirrikonoxxi li l-użu kontinwu tal-basktijiet tal-plastik ħfief joħloq ħsara ambjentali enormi għall-ħajja tal-baħar u li din il-ħsara għandha konsegwenzi serji għal firxa ta’ speċijiet tal-baħar kif ukoll għas-saħħa tal-bniedem.

1.3

Il-KESE huwa konxju mill-ħafna kumplessitajiet leġislattivi fir-rigward tal-kontroll tal-basktijiet tal-plastik; madankollu jirrakkomanda bil-qawwi li d-Direttiva proposta tiżgura li kull Stat Membru jimpenja ruħu bis-sħiħ għall-qerda ta’ dan l-iskart fuq bażi permanenti.

1.4

Il-KESE huwa mħasseb li l-proposta tista’ tonqos milli tilħaq l-għanijiet bażiċi ta’ tnaqqis minħabba n-nuqqas ta’ mira ta’ prevenzjoni ċara min-naħa tal-UE li tista’ tipprovdi parametru referenzjarju għall-effikaċja tal-miżuri tal-Istati Membri u li tkun tista’ tiġi infurzata legalment b’sanzjonijiet.

1.5

F’dan ir-rigward il-KESE jirrakkomanda dan li ġej:

l-UE għandha tistabbilixxi mira kwantitattiva għat-tnaqqis tal-użu tal-basktijiet tal-plastik ħfief. Il-mira għandha tiġi stabbilita abbażi tal-esperjenza fil-grupp usa’ ta’ Stati Membri fejn il-konsum ta’ basktijiet tal-plastik ħfief huwa baxx;

in-nuqqas tal-ilħuq ta’ din il-mira għandu jirriżulta f’sanzjonijiet iddikjarati.

1.6

Waqt li jifhem li miżuri differenti għall-kontroll tal-basktijiet tal-plastik jagħtu riżultati differenti fi Stati Membri differenti, il-KESE jirrakkomanda li kull Stat Membru jlesti l-analiżi proprja tiegħu dwar l-aħjar mod kif tista’ tintlaħaq konformità mad-Direttiva u wara jipproċedi bl-opzjoni l-aktar adatta għall-ħtiġijiet tiegħu u li tkun realistika f’termini tal-obbligi tiegħu li jikkonforma ma’ mira kumplessiva tal-UE.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jikkunsidraw b’attenzjoni l-impatt fuq il-konsumaturi, is-settur tal-bejgħ bl-imnut u l-ambjent meta jistabbilixxu l-politika ta’ implimentazzjoni proprja tagħhom.

1.8

Il-KESE jilqa’ s-sejba fir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt tal-2011 tad-DĠ Ambjent li l-konsegwenzi tat-tnaqqis tal-użu tal-basktijiet tal-plastik fuq l-impjiegi huma tal-anqas newtrali u jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fl-għadd ta’ impjiegi assoċjati ma’ basktijiet alternattivi li jkunu jistgħu jintużaw mill-ġdid li joħolqu anqas problemi ambjentali.

1.9

B’konformità mal-opinjoni ta’ qabel NAT/600 Strateġija Ewropea għall-Iskart tal-Plastik (Green Paper) il-KESE jirrakkomanda li r-rwol tas-soċjetà ċivili f’termini ta’ bidla fl-imġiba mtejba ikun rikonoxxut b'mod ċar.

2.   Informazzjoni ġenerali dwar l-inizjattivi leġislattivi

2.1

B’konformità mal-leġislazzjoni tal-UE, il-basktijiet tal-plastik jiġu kkunsidrata bħala imballaġġ skont id-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ (id-Direttiva 94/62/KE). Madankollu, ma teżisti l-ebda leġislazzjoni jew politika tal-UE li jimmiraw b’mod speċifiku l-basktijiet tal-plastik. Ċerti Stati Membri żviluppaw politiki ta’ suċċess kbir għat-tnaqqis tal-użu tagħhom. Madankollu, ħafna Stati Membri m’għamlux dan.

2.2

L-għan tal-proposta huwa t-tnaqqis tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ta’ ħxuna ta’ anqas minn 50 mikrons (0,05 millimetru) fl-Unjoni Ewropea. Għall-finijiet ta’ deskrizzjoni, id-Direttiva hija mmirata għall-basktijiet tal-plastik ħfief irqaq li jitqassmu fil-punt tal-bejgħ u jintużaw għall-ġarr tal-prodotti mis-supermarkits u ħwienet oħra.

2.3

Id-diffikultajiet leġislattivi skoperti waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ mira ta’ tnaqqis madwar l-UE li tapplika għall-Istati Membri kollha, ikkontribwixxew b’mod gravi biex il-problema tmur għall-agħar. Minflok ma tiġi stabbilita mira komuni tal-UE li tnaqqas b’mod sinifikanti l-għadd ta’ basktijiet tal-plastik fiċ-ċirkolazzjoni; huwa meqjus preferibbli li fid-Direttiva 94/62/KE jiġi introdott l-obbligu għall-Istati Membri kollha li jnaqqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief, waqt li jitħallew jistabbilixxu l-miri ta’ tnaqqis nazzjonali proprji tagħhom u jagħżlu liema miżuri se jadottaw għall-ilħuq ta’ dawn il-miri. Dawn il-miżuri m'għandhomx iwasslu għal żieda ġenerali fil-produzzjoni ta' imballaġġ ieħor.

2.4

Is-suċċess min-naħa tal-Unjoni Ewropea f’termini ta’ politika ta’ sinkronizzazzjoni li tista’ tikseb reazzjoni unifikata fis-soluzzjoni tal-problemi maħluqa mir-rimi ta’ basktijiet tal-plastik kien żgħir. Pereżempju l-Italja tixtieq tipprojbihom. L-Awstrija kkontestat din il-proposta għal raġunijiet legali. Pajjiżi oħra bħad-Danimarka, l-Irlanda u l-Bulgarija implimentaw taxxa fuq il-basktijiet tal-plastik. Ir-Renju Unit se jintroduċi taxxa limitata fl-2015 li se taffettwa l-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut li jimpjegaw aktar minn 250 persuna. Il-bejjiegħa bl-imnut fi Franza, il-Ġermanja, il-Portugall, l-Ungerija u l-Pajjiż l-Baxxi bdew jimponu prezz fuq il-basktijiet tal-plastik.

3.   L-isfond u l-punti essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jixtiequ jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikoli 114(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar l-emenda tad-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief.

3.2

Il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt sabiex tħejji l-proposta leġislattiva tagħha (1). Skont il-valutazzjoni tal-impatt, huwa stmat li fl-2010 kull ċittadin tal-UE uża 198 basket tal-plastik, u ġie stmat li madwar 90 % tagħhom kienu basktijiet ħfief; l-użu mil-ġdid ta’ dawn il-basktijiet huwa anqas frekwenti u t-tendenza li jintremew hija akbar.

3.3

L-istess rapport jiddikjara li fl-2010, intremew aktar minn 8 biljun basket tal-plastik fl-UE. Dan ir-rimi jaffettwa b’mod serju l-ambjent tal-baħar u jirriżulta f’volumi kbar ta’ basktijiet tal-plastik li jakkumulaw fl-ibħra tagħna. Anke f’pajjiżi mingħajr kosta, il-basktijiet tal-plastik jaslu sal-oċeani permezz tax-xmajjar u n-nixxigħat. Billi l-ħajja ta’ basket tal-plastik tista’ tkun ta’ mijiet ta’ snin, dan jirrappreżenta sfida globali enormi f’termini ta’ ħolqien ta’ tniġġis kif ukoll tal-effett fuq l-ekosistemi tal-oċeani tagħna.

3.4

L-analiżi tal-Kummissjoni hija li l-użu ta’ dawn il-basktijiet ivarja ħafna, minn medja ta’ erbgħa per capita kull sena fil-Finlandja u d-Danimarka għal 466 fil-Polonja, il-Portugall u s-Slovakkja.

4.   Kummenti ġenerali u speċifiċi

4.1

Fl-opinjoni tiegħu NAT/600 Strateġija Ewropea għall-Iskart tal-Plastik (Green Paper) imfassla mis-Sur Zboril, il-KESE enfasizza l-problemi serji maħluqa mill-iskart tal-plastik b’mod ġenerali u jirrakkomanda għadd ta’ azzjonijiet ewlenin immirati lejn it-trattament tat-tniġġis kollu abbażi ta’ plastik (2).

4.2

Tnaqqis kbir tal-basktijiet tal-plastik jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-pressjoni fuq il-bijodiversità, b’mod speċjali fuq l-ambjent tal-baħar, b’konformità mal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità, li għandha l-għan li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020.

4.3

Huwa magħruf li tal-anqas 267 speċi differenti tħabblu fi skart fil-baħar maħluq minn basktijiet tal-plastik jew belgħuh. Fil-Baħar tat-Tramuntana, l-istonku ta’ 94 fil-mija tal-għasafar kollha fih il-plastik. Instabu wkoll basktijiet fl-istonku ta’ bosta speċijiet tal-baħar fil-periklu ta’ estinzjoni.

4.4

In-nuqqasiiet sottostanti li jikkontribwixxu għaż-żieda fil-problema jinkludu:

nuqqasijiet tas-swieq u ftit sensibilizzazzjoni pubblika;

nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-qafas leġislattiv eżistenti li jirregola l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ;

nuqqas li jiġu stabbiliti miri reali li jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti l-użu tal-basktijiet tal-plastik ħfief;

in-nuqqas ta’ rieda politika min-naħa ta’ ħafna Stati Membri li jsolvu l-problema bl-użu ta’ miri li jagħmlu sens.

4.5

Min-naħa l-oħra, id-differenzi enormi bejn Stati Membri differenti fl-għadd ta’ basktijiet tal-plastik ħfief użati per capita juru l-fattibbiltà ta’ tnaqqis radikali fl-użu ta’ dawn il-basktijiet tal-plastik f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir, bil-kundizzjoni li jkun hemm rieda politika li tittieħed azzjoni. Pereżempju, fil-każ tal-Irlanda intlaħaq tnaqqis ta’ 80 % tal-basktijiet tal-plastik meta ġiet introdotta taxxa fil-punti tal-bejgħ.

4.6

Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni effiċjenti, l-għadd ta’ basktijiet tal-plastik imqiegħda fis-suq huwa mistenni li jiżdied fil-livell tal-UE-27 minn 99 biljun fl-2010 għal 111-il biljun fl-2020 (3). In-nuqqas ta’ azzjoni immedjata u qawwija li tillimita l-użu tal-basktijiet tal-plastik u l-problema relatata tar-rimi tagħhom se jaffettwa l-ambjent u ċ-ċittadini fl-UE u lil hinn minnha kif ukoll ir-riċiklaturi tal-prodotti tal-plastik, l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija tas-sajd, l-industrija tat-turiżmu u n-negozju lokali.

4.7

Ħafna gruppi ambjentali għamluha ċara li l-proposta tal-Kummissjoni hija dgħajfa billi tiddikjara fl-Artikolu 1(2) li l-“Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiksbu tnaqqis fil-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief fit-territorju tagħhom fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva” mingħajr ma tistabbilixxi mira ta’ prevenzjoni ċara.

4.8

Huwa mifhum ukoll li d-Direttivi meqjusa bħala r-responsabbiltà tal-Istat Membru biss u mingħajr l-ebda sanzjoni ċara miftiehma għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni jiksbu ħafna anqas suċċess.

4.9

L-istabbiliment ta’ mira ta’ prevenzjoni kwantitattiva għall-użu ta’ basktijiet tal-plastik ħfief jista’ jistabbilixxi objettiv u parametru referenzjarju ċari għall-Istati Membri li jkun jista’ jiġi ssorveljat u infurzat b’mod legali, jekk ikun meħtieġ. Min-naħa l-oħra, dan jista’ jippermetti li l-Istati Membri jkunu flessibbli dwar il-mezzi li jridu jiġu applikati għall-ilħuq ta’ din il-mira. Dawn l-istrumenti jistgħu jinkludu inċentivi ekonomiċi, bħal taxxi jew imposti, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi jew miżuri regolatorji jew taħlita ta’ dawn l-istrumenti, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi f’kull Stat Membru. Fil-valutazzjoni tal-impatt ġiet ikkunsidrata mira ta’ prevenzjoni ta’ 35 basket għal kull persuna kull sena. Din il-mira tkun ibbażata fuq il-konsum medju ta’ basktijiet tal-plastik ħfief f’25 % tal-Istati Membri bl-aqwa prestazzjoni fl-2010 u għaldaqstant tista’ titqies bħala parametru referenzjarju raġonevoli u fattibbli għal Stati Membri oħra. Jekk din il-mira ssir mira ta’ prevenzjoni fl-UE kollha, din tista’ tirriżulta fi tnaqqis ta’ 80 % tal-konsum ta’ basktijiet tal-plastik ta’ użu uniku fl-UE, li għandu jkun l-għan minimu.

4.10

Mill-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni jirriżulta li l-miżuri li jnaqqsu l-użu tal-basktijiet tal-plastik ta’ użu uniku m’għandux ikollhom effetti mhux aċċettabbli fuq l-ekonomija u l-impjieg.

Il-konklużjonijiet huma:

ikun hemm tnaqqis f'għadd ta' nies impjiegati fil-manifattura ta’ basktijiet tal-plastik ta’ użu uniku;

madankollu, huwa probabbli li jkun hemm żieda fl-għadd ta’ persuni impjegati fil-manifattura ta’ basktijiet tal-plastik, basktijiet tal-karta, u basktijiet għar-reċipjenti tal-iskart ta’ użu multiplu;

ir-rapport ta’ Podcom tal-2011 imsemmi fir-rapport dwar l-impatt jiddikjara li fl-2006 terz tal-basktijiet tal-plastik ħfief ġew impurtati, prinċipalment mill-Asja. Jiddikjara wkoll li minn dak iż-żmien ’l hawn kien hemm spustament kbir mhux ħażin tal-manifattura lejn l-Asja. Jagħti l-eżempju li fir-Renju Unit kważi 98 % ta’ dawn il-basktijiet jiġu impurtati mill-Lvant Imbiegħed;

ir-rapport jirrimarka li l-manifattura fil-pajjiżi tal-UE għandha t-tendenza li tkun ibbażata fuq il-produzzjoni ta’ “basktijiet ftit eħxen”;

ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt jiddikjara li mhu se jkun hemm l-ebda effett addizzjonali fuq l-impjieg (il-p. 86). Jirrimarka wkoll li l-parti l-kbira tal-manifatturi ta’ basktijiet tal-plastik jipproduċu daqsijiet multipli u li azzjonijiet għat-tnaqqis tal-basktijiet ħfief jistgħu jżidu d-domanda għall-basktijiet li jistgħu jintużaw mill-ġdid u b’hekk jinħoloq l-impjieg.

Brussell, 26 ta' Frar 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Il-Valutazzjoni tal-Impatt għal Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief {COM(2013) 761 final – 2013/0371 (COD)}.

(2)  Opinjoni dwarl-Istrateġija Ewropea għall-Iskart tal-Plastik (Green Paper), Ġ.U. C 341 of 21.11.2013, p. 59-66.

(3)  Abbażi ta’ PRODCOM li hija bażi ta' data tal-Eurostat li tipprovdi statistiki dwar il-produzzjoni ta’ prodotti mmanifatturati. (Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, il-Kapitolu 2.4)


8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 rigward l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta' Kjoto tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima”

COM(2013) 769 final – 2013/0377 (COD)

2014/C 214/09

Relatur: is-Sur ADAMS

Nhar it-18 ta’ Novembru 2013 u nhar l-10 ta' Diċembru 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 rigward l-implimentazzjoni teknika tal-Protokoll ta’ Kjoto tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

COM(2013) 769 final – 2013/0377 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha fit-12 ta' Frar 2014.

Matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b' 226 voti favur, 5 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-proposta tiffaċilita u tippermetti l-implimentazzjoni teknika ta' ftehimiet eżistenti relatati mal-Protokoll ta' Kjoto. Il-Kumitat jappoġġja l-proposta kif inhi ppreżentata.

2.   Daħla Ġenerali

2.1

Il-Protokoll ta' Kjoto, il-ftehim tal-1997 bejn in-nazzjonijiet li jitlob tnaqqis minn kull pajjiż fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, daħal fis-seħħ fl-2005. In-nazzjonijiet industrijalizzati wegħdu li jnaqqsu l-emissjonijiet annwali tagħhom tal-karbonju, imkejla min sitt gassijiet b'effett ta' serra (GHG) b'ammonti differenti b'medja ta' 5,2 % meta mqabbla mal-1990. Minkejja li l-emissjonijiet globali ta' gassijiet b'effett ta' serra żdiedu b'40 % mill-1990, il-Protokoll ta' Kjoto xorta meqjus bħala pass żgħir iżda essenzjali f'termini ta' azzjoni internazzjonali.

2.2

Taħt il-protokoll ta' Kyoto, l-UE-15 ħadu l-impenn li jnaqqsu l-emissjonijiet kollettivi tagħhom sa 8 % inqas mil-livelli tal-1990 sas-snin 2008-2012, u x'aktarx irnexxielhom jiksbu iktar minn hekk. L-Istati Membri li daħlu fl-UE mill-2004 għandhom ukoll il-miri ta' Kjoto għal tnaqqis ta' 5 %, 6 % jew 8 % li qegħdin fil-proċess li jiksbuhom, jew diġà qabżuhom. Għall-2020, l-UE ħadet impenn unilaterali li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra kollha mit-28 Stat Membru tagħha b'20 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990.

2.3

Filwaqt li l-PDG tal-UE żdied b'45 % bejn l-1990 u l-2011, l-emissjonijiet totali tal-gassijiet b'effett ta' serra mit-28 Stat Membru tal-preżent – inklużi l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali, li huma koperti mill-impenn unilaterali tal-UE – kienu 16,9 % inqas mil-livell tal-1990 fl-2011, u stima ta' 18 % inqas mil-livell tal-1990 fl-2012. L-aktar tbassir riċenti tal-Istati Membri juru li l-emissjonijiet totali fl-2020, inkluża l-avjazzjoni internazzjonali, ser ikunu 21 % taħt il-livell tal-1990.

2.4

L-“emenda ta' Doha” għall-Protokoll ta' Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima tistabbilixxi t-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, li jibda fl-1 ta' Jannar 2013 u jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2020.

2.5

It-tieni perjodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto ser ikompli u jżid is-sistema komprensiva eżistenti ta' kontabbiltà tal-emissjonijiet sabiex tkun żgurata t-trasparenza tal-prestazzjoni tal-Partijiet u l-konformità mal-obbligi tagħhom.

2.6

L-implimentazzjoni tal-Protokoll ta' Kjoto wara l-2012 teħtieġ li jitfassal sett ta' regoli teknikiċi ta' implimentazzjoni għall-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-Islanda. Ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ riċenti ma jinkludix il-bażi legali li tippermetti lill-Kummissjoni tadotta atti delegati relatati mal-implimentazzjoni ta' regoli dwar it-tieni perjodu ta' impenn. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 sabiex tiġi pprovduta l-bażi legali meħtieġa.

3.   Sinteżi tal-proposta li temenda r-Regolament

3.1

Ir-Regolament propost jipprovdi l-bażi għall-implimentazzjoni ta' għadd ta' kwistjonijiet tekniċi permezz tal-adozzjoni ta' atti legali. B’mod speċifiku, dawn il-kwistjonijiet huma:

Il-proċessi ta’ ġestjoni tal-unitajiet, bħat-tranżazzjonijiet tal-unitajiet ta’ Kjoto (il-ħruġ, it-trasferiment, l-akkwist, il-kanċellazzjoni, l-irtirar, ir-riport, is-sostituzzjoni jew bidla tad-data tal-iskadenza) fir-reġistri nazzjonali tal-Unjoni Ewropea, tal-Istati Membri u tal-Islanda, u bejniethom;

Il-proċessi ta’ kontabilità marbutin mat-tranżizzjoni mill-ewwel għat-tieni perjodu ta’ impenn, fosthom ir-riport ta' unitajiet ta' kontabbiltà żejda mill-ewwel għat-tieni perjodu ta’ impenn;

L-istabbiliment u l-manutenzjoni ta’ riżerva żejda mill-perjodu preċedenti u riżerva għall-perjodu ta’ impenn għal kull membru tal-ftehim ta’ twettiq konġunt;

L-imposta jew “is-sehem tar-rikavati” applikati għall-ħruġ ta’ ERUs (unitjiet ta' tnaqqis tal-emissjonijiet) u l-ewwel trasferiment internazzjonali ta’ AAUs (unitajiet ta’ ammont assenjat) fit-tieni perjodu ta’ impenn.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Fil-qosor, il proposta għandha tippermetti lill-UE biex timplimenta t-tieni perjodu t' impenn tal-Protokoll ta' Kjoto, li jippermetti l-ħruġ, it-trasferiment u r-riport tal-unitajiet ta' kontabbiltà ta' Kjoto. Din ser tippermetti wkoll li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar “atti delegati”. Il-proposta tiffaċilita u tippermetti l-implimentazzjoni teknika ta' ftehimiet eżistenti. Il-Kumitat jappoġġja l-proposta kif inhi ppreżentata.

Brussell, 26 ta' Frar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/46


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014”

COM(2013) 800 final

2014/C 214/10

Relatur ġenerali: is-Sinjura PICHENOT

Nhar it-13 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014

COM(2013) 800 final.

Nhar it-18 ta’ Novembru 2013 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lill-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Ewropa 2020 sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-496 sessjoni plenarja tiegħu tas-26 u s-27 ta' Frar 2014 (seduta tas-26 ta' Frar 2014) li jaħtar lis-Sinjura Pichenot bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b'187 vot favur, 2 voti kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Insaħħu s-Semestru Ewropew u ntejbu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili

1.1.1

Sabiex tittejjeb l-approprjazzjoni nazzjonali u l-leġittimità demokratika, li huma punti kruċjali tas-Semestru Ewropew, il-KESE, filwaqt li jirrikonoxxi d-diversità tal-prattiki nazzjonali, jirrakkomanda li l-atturi tas-soċjetà ċivili jiġu involuti b'mod aħjar. Għaldaqsant, jistabbilixxi r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

tiġi stabbilita gwida prattika dwar l-istrumenti tas-Semestru Ewropew intiżi għall-atturi ekonomiċi u soċjali u r-rappreżentanti eletti fil-livell nazzjonali u territorjali,

jiġu żviluppati aktar il-kuntatti u s-seduti tal-istituzzjonijiet Ewropej, u b'mod partikolari tal-Kummissjoni, fi ħdan il-parlamenti nazzjonali li jżommu kull leġittimità demokratika fir-rigward tal-baġit u r-riformi,

jitkompla d-dibattitu mas-soċjetà ċivili dwar l-iskeda tar-riformi strutturali u dwar l-impatt reċiproku tal-politiki li twettqu b'mod simultanju mill-Istati Membri,

l-Istati Membri kollha jitħeġġu aktar biex jinvolvu l-imsieħba soċjali u l-korpi konsultattivi fit-tfassil tar-riformi b'riżultat tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u fit-tfassil u s-segwitu tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma (PNR),

jiġu involuti l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fil-valutazzjoni tal-politiki pubbliċi li jippreċedu kull miżura ta' razzjonalizzazzjoni jew ta' modernizzazzjoni,

ir-rapport annwali integrat tal-KES nazzjonali  (1) u ta' istituzzjonijiet simili għandu jibqa' jiġi indirizzat lill-Kunsill Ewropew: f'dan ir-rigward, il-korpi konsultattivi nazzjonali għandhom jitħeġġu aktar biex jipparteċipaw f'dan ir-rapport integrat,

tinkiseb tweġiba formali mill-Kunsill u mill-Kummissjoni għal dawn il-kontributi bil-miktub tas-soċjetajiet ċivili nazzjonali li turi s-serjetà tal-konsultazzjoni u tkun parti mid-dibattitu dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż.

tiġi stabbilita metodoloġija biex jintlaħqu standards ta' kwalità tal-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-djalogu soċjali fl-Istati Membri billi jittieħed bħala bażi l-istudju li għandu joħroġ fl-2014 u li tnieda mill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Istrateġija Ewropa 2020 tal-KESE.

1.1.2

Fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) tal-2014, appoġġjat mir-rapporti annessi (2), il-Kummissjoni tippreżenta viżjoni għall-politika ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ewropea u tiffoka fuq koordinazzjoni bejn il-politiki Ewropej u azzjonijiet nazzjonali. Bl-istess prijoritajiet bħal fis-snin preċedenti, l-analiżi tiftaħ is-Semestru Ewropew.

Il-proċedura ta' sorveljanza makroekonomika u baġitarja, stabbilita qabel, ser tibqa' tevolvi fl-2014 u hija bbażata fuq testi gwidati minn loġika ta' dixxiplina ffokata, sorveljanza u sanzjonijiet. Din hija bbażata fuq mekkaniżmu ta' twissija li għandu l-għan li jipprevjeni l-ħolqien ta' żbilanċi makroekonomiċi, fuq Programmi Nazzjonali ta' Riforma (PNR) kif ukoll fuq rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż imfassla f''konsultazzjoni ma' kull Stat Membru. Is-Semestru Ewropew għadu barra minn hekk marbut mill-qrib mal-Istrateġija Ewropa 2020, u mal-objettivi kwantifikati tagħha.

1.1.3

Il-kriżi finanzjarja mbagħad dik ekonomika li tkompli tolqot l-Ewropa kixfet in-nuqqasijiet tas-sistema ta' governanza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja: dawn in-nuqqasijiet għandhom jiġu korreġuti b'urġenza sabiex ma terġax titpoġġa f'perikolu saħansitra l-eżistenza tal-euro. Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tat-triq li mxejna fir-rigward tal-governanza ekonomika iżda jerġa' jafferma l-ħtieġa assoluta li jiġu żgurati l-leġittimità demokratika u l-approprjazzjoni fil-livell nazzjonali. L-Opinjoni tal-2014 tal-Kumitat hija konformi mal-opinjonijiet preċedenti dwar l-SAT, li huma miġbura fil-qosor f'sommarju tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2.1 ta' din l-Opinjoni. Hija tikkumplimenthom, taġġornahom, tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-2015 u tibni fuq il-konklużjonijiet ta' bosta opinjonijiet reċenti.

1.1.4

L-eżerċizzju tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014 (SAT) jikkostitwixxi l-ewwel fażi ta' din il-proċedura, li ser tkun segwita mill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Ewropa 2020 matul is-sena kollha bil-parteċipazzjoni tal-kumitati ekonomiċi u soċjali nazzjonali u istituzzjonijiet simili għall-implimentazzjoni ta' riformi u ta' politiki fil-livell nazzjonali. Il-Kumitat jilqa' l-istabbiliment ta' rabta speċifika bejn is-Summit Soċjali Tripartitiku tar-rebbiegħa u l-proċess tas-Semestru Ewropew. Flimkien ma' dan huwa jitlob li l-pożizzjonijiet tal-imsieħba soċjali Ewropej jiġu ppubblikati bħala anness għad-dokumenti tas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, huwa jixtieq li l-SAT ikollu miegħu rapport dwar l-istat tal-progress tal-Istrateġija Ewropa 2020. Din id-dijanjożi hija meħtieġa biex titħejja r-reviżjoni ta’ nofs it-term.

1.1.5

Konvint li l-kriżi għadha ma għaddietx, il-Kumitat iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jagħmlu, b'mod kompatibbli, sforz ta' konsolidazzjoni fiskali divrenzjata u azzjoni determinata u perseveranti favur it-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività madwar l-Unjoni kollha ta' 28 pajjiż. Huwa jistieden lill-Kummissjoni li jmiss timplimenta programm ta' investiment ambizzjuż li jippermetti aċċess aħjar għall-finanzjament għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju . Il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment għandhom jappoġġjaw l-ilħuq tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u eventwalment jistgħu jakkumpanjaw ir-riformi stabbiliti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Fl-istess ħin, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni prattika tal-pakkett ta' “investiment soċjali”.

1.2   Governanza aktar koerenti għal Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina

1.2.1

Fis-segwitu tar-rapport “Towards a genuine economic and monetary union” (3), il-KESE josserva b'sodisfazzjon l-iżvilupp gradwali ta' “koordinazzjoni” lejn governanza ekonomika aktar koerenti bejn l-Istati Membri, permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew. Huwa jinnota partikolarment li l-SAT jadatta ruħu għar-regoli l-ġodda ta' governanza, partikolarment fiż-żona tal-euro, billi l-abbozzi ta' baġit jitressqu f'nofs Ottubru sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tevalwa jekk l-Istati Membri humiex jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fil-livell Ewropew. Imbagħad il-baġits jiġu finalizzati fil-livell nazzjonali. Din il-proċedura għandha tirrispetta bis-sħiħ il-leġittimità demokratika tal-parlamenti nazzjonali, li huma biss jistgħu jemendaw u jadottaw il-baġit.

1.2.2

Il-KESE jinnota l-progress parzjali li jirrappreżenta l-ftehim li sar fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013 dwar ir-regoli komuni futuri fir-rigward tas-superviżjoni u tar-riżoluzzjoni tal-banek inadempjenti. Jinnota li l-unjoni bankarja qegħda fuq pedamenti li għad iridu jiżviluppaw, għad iridu jingħelbu diversi sfidi b'mod partikolari fir-rigward tal-konsolidazzjoni tas-settur finanzjarju u l-iskadenza għall-ħolqien ta' Mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni unika. Il-Kumitat jesprimi d-dubji kbar tiegħu dwar ir-riskji li tippreżenta unjoni bankarja mhux kompluta u r-rikors għall-proċess intergovernattiv (4).

1.2.3

Il-KESE jiddispjaċih dwar it-tnaqqis fl-ammonti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP). Madankollu, huwa jilqa' l-kapaċità ta' investiment ta' aktar minn EUR 400 biljun li jistgħu jiġu mobilizzati malajr għall-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjieg fil-livell nazzjonali u reġjonali, permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment (ESIF) li ser jikkontribwixxu għat-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, għall-ewwel darba, id-deċiżjoni politika hija marbuta mal-impenn finanzjarju, li flimkien jikkostitwixxu fattur importanti fl-appoġġ għat-tkabbir ekonomiku.

1.2.4

F'dan l-SAT, il-Kummissjoni qed tipprova toħloq qafas Ewropew sabiex tippromovi t-tkabbir fl-Ewropa billi tgħaqqad il-governanza ekonomika, il-qafas finanzjarju pluriennali, u l-politiki li għandhom l-għan li jikkompletaw l-aspetti differenti tas-suq intern u tal-politika kummerċjali. Il-Kumitat jappoġġja l-Kummissjoni fl-appell lill-Istati Membri biex jikkunsidraw dan il-qafas Ewropew meta jiddefinixxu l-politiki nazzjonali tagħhom. Josserva li l-SAT issa jpoġġi t-tkabbir u l-kompetittività fil-livell tal-ogħla prijoritajiet; jenfasizza li l-kompetittività għandha tiġi interpretata b'mod wiesa' fis-sens li tgħaqqad il-kwalità u l-pożizzjoni tal-prodotti u s-servizzi u mhux bħala kompetittività limitata biss għall-prezzijiet.

1.2.5

Sabiex jitħares il-mudell Ewropew ta' koeżjoni soċjali, kif jirrakkomanda wkoll ir-rapport “Towards a genuine economic and monetary union”, u skont il-klawżola soċjali orizzontali tat-Trattat, il-KESE jistieden lill-Kunsill Ewropew biex jagħmel pass 'il quddiem billi jagħti dimensjoni soċjali lill-UEM. Dan għandu jwassal biex fis-Semestru Ewropew tiġi integrata b'mod proattiv tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi soċjali  (5), li jingħataw l-istess importanza bħall-indikaturi makroekonomiċi u baġitarji. Din id-dimensjoni soċjali għandu jkollha l-funzjoni li tipprevjeni r-riskji ta' żbilanċi soċjali, u għandha tkun akkumpanjata minn mekkaniżmi ta' stabbilizzazzjoni, b'mod partikolari fuq il-mudell tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jew il-Fondi Strutturali destinati fost l-oħrajn għat-taħriġ u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid.

Il-KESE jappella wkoll li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni tal-ġeneru tal-UE f'dawn l-għodod kollha.

1.2.6

Il-kriżi qawwija li għaddejja minnha l-Ewropa u l-politiki implimentati fil-ġlieda kontra l-problemi ta' dejn jistgħu jkunu l-kawża għall-falliment ta' għadd kbir ta' objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jitlob li l-inizjattiva relatata mal-SMEs tinbeda mingħajr dewmien fil-bidu tal-2014. Huwa jilqa' b'mod favorevoli l-mandat il-ġdid mogħti mill-BEI lill-FEI (EUR 4 biljun), maħsuba għall-SMEs u l-mikrokrediti, u t-tisħiħ tiegħu permezz ta' żieda fil-kapital tiegħu.

1.2.7

Il-KESE jenfasizza li l-UE għandha ħafna assi għall-ħruġ minn din il-kriżi, f'termini kemm ta' infrastruttura kif ukoll ta' kwalità tas-servizzi jew tas-suq uniku. Jeħtieġ li jittieħed vantaġġ minn dawn l-assi sabiex jitħaffu t-tranżizzjoni ekoloġika, l-innovazzjoni, l-aċċess għall-kreditu għall-SMEs, u l-kompetittività tal-intrapriżi kollha f'perspettiva ta' tkabbir sostenibbli ekoloġiku u inklużiv.

1.3   Perspettiva dinamika u sostenibbli tar-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020

1.3.1

Din l-Opinjoni li hija orjentata lejn il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2014 għandha l-għan ukoll li tikkontribwixxi għar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020. Din hija ħidma importanti għall-Kummissjoni futura li għandha tinbeda matul il-Presidenza Taljana. L-Unjoni għandha tagħti liċ-ċittadini xhieda ta' rieda politika u ta' viżjoni konkreta favur it-titjib tal-integrazzjoni sabiex naslu għal “Ewropa aħjar”, li tfisser “aktar Ewropa” f'ċerti politiki. Sabiex titħejja din ir-reviżjoni ta' nofs it-term tal-Istrateġija Ewropa 2020, huwa rakkomandat li din tkun marbuta mal-istrumenti tas-Semestru Ewropew sabiex jinkiseb bilanċ ġdid bejn ir-responsabbiltà u s-solidarjetà. Il-Kumitat jissuġġerixxi l-inklużjoni ta' tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi ambjentali fis-Semestru Ewropew.

1.3.2

Il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-SAT tal-2014 jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, minkejja s-sitwazzjonijiet baġitarji mwiegħra, biex jaffaċċjaw l-isfidi tas-seklu 21 u biex jippromovu l-investiment fuq l-objettivi fit-tul, bħalma hija l-klima. Is-Semestru Ewropew għandhu jkompli jinkludi fl-objettivi, il-metodi u l-għodod tiegħu, it-tranżizzjoni ekoloġika tal-proċessi industrijali eżistenti skont is-settur u l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija għall-ħruġ mill-kriżi abbażi ta' mudell ta' żvilupp aktar sostenibbli. Fost il-prijoritajiet tagħha għat-tkabbir u l-kompetittività, il-Kummissjoni fl-SAT ssemmi l-promozzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi, it-titjib tal-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, ir-riċiklaġġ u l-effiċjenza tal-enerġija.

F'din ir-reviżjoni, hemm bżonn li jiġu inklużi t-temi u l-prattiki li qed jiżviluppaw bħala muturi ta' tkabbir ekonomiku bħall-ekonomija ċirkolari, l-ekonomija parteċipattiva u kollaborattiva, l-ekodisinn, l-ekoeffiċjenza jew ir-restawr ta' bini u l-urbanizzazzjoni sostenibbli.

1.3.3

Strateġija Ewropea ġdida għandha tkun il-bażi ta' valutazzjoni maqsuma bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri, u fil-qafas tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs futuri) ta' wara l-2015 tan-Nazzjonijiet Uniti. L-Unjoni Ewropea kkontribwiet ħafna sabiex tiddefinixxi n-natura universali tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli għall-ġejjieni. Din ir-reviżjoni hija parti mit-tfittxija għall-koerenza bejn il-politiki kollha, prinċipju miksub fil-livell Ewropew fil-politika tal-iżvilupp tagħha. Dawn l-għanijiet futuri komuni globali għandhom jissarrfu f'dinamika ta' żvilupp sostenibbli fil-livell Ewropew. Għal dan l-għan, il-KESE jirrakkomanda li r-reviżjoni ta' nofs it-term taqa' fi ħdan l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli sal-2030, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

1.3.4

Il-Kumitat jimpenja ruħu bis-sħiħ f'dan il-proċess ta' bini ta' tranżizzjoni ekonomika sostenibbli u jibqa' attent għall-ħtieġa ta' politika ambizzjuża għall-klima/l-enerġija. Għandhom jiġu kkunsidrati r-riżultati tal-ħidmiet tal-konferenza li ser tiġi organizzata bejn it-13 u l-14 ta' Frar 2014“Sħubija globali ġdida: pożizzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea dwar il-qafas għal wara l-2015” (6), fejn il-KESE huwa attur importanti.

2.   Kontinwità u approfondiment tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014

2.1   Din l-Opinjoni dwar l-SAT tal-2014 tagħmel parti mill-kontinwità tal-osservazzjonijiet li saru f'opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat dwar is-Semestru Ewropew u li ġew ikkompletati mill-kontributi tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali jew mekkaniżmi konsultattivi simili oħra. Ifakkar fil-konklużjonijiet li ġejjin li għadhom validi għall-2014:

l-implimentazzjoni mill-aktar fis ta' proċess kumpless ta' koordinazzjoni msaħħa msejjaħ “is-Semestru Ewropew” bħala risposta għall-agħar kriżi multidimensjonali tal-istorja tal-Ewropa, kriżi li kixfet in-nuqqasijiet inerenti tal-UEM li għadha mhux kompluta;

li t-tkabbir ikun ibbażat fuq l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 b'mod partikolari l-importanza tal-edukazzjoni, tat-taħriġ, tat-tagħlim tul il-ħajja; il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, l-ispirtu intraprenditorjali, l-impjieg indipendenti; il-politiki tal-inklużjoni soċjali; l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

it-tranżizzjoni ekoloġika lejn mudell ta' produzzjoni u ta' konsum sostenibbli ma tistax tinfired mill-ħruġ mill-kriżi;

l-aggravazzjoni tad-diverġenzi bejn l-Istati Membri, bejn ir-reġjuni u t-territorji, bejn iċ-ċentru u l-periferija; il-bżonn assolut ta' politiki ta' koeżjoni sabiex terġa' tinstab it-triq tal-konverġenza fl-UE;

il-ħtieġa li r-riformi jiġu applikati b'mod effettiv mill-istituzzjonijiet Ewropej u mill-Istati Membri;

iż-żieda tad-dejn pubbliku mmexxi mill-kriżi bankarja;

id-divrenzjar tal-konsolidazzjoni fiskali kompatibbli mal-irkupru tat-tkabbir; il-politiki ta' konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi għandhom jikkonċernaw perjodi itwal u għandhom jiffokaw fuq it-tfittxija ta' bilanċ intelliġenti bejn id-dħul u l-infiq, bejn l-offerta u d-domanda;

b'mod parallel l-urġenza ta' inizjattiva biex jerġa' jkun hemm tkabbir, impjieg u kompetittività; l-implimentazzjoni effettiva ta' riformi fuq is-swieq tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħol meta din tkun meħtieġa; l-appoġġ għall-investiment u għall-politiki ta' solidarjetà; Unjoni bankarja kompluta;

ir-riperkussjonijiet soċjali kbar tal-politiki għall-ħruġ mill-kriżi li ġew implimentati; il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-ġustizzja soċjali u l-ekwità fl-ispejjeż u l-benefiċċji tar-riformi strutturali; il-ħtieġa ta' analiżi tal-impatt soċjali ta' dawn ir-riformi;

ir-rispett tal-awtonomija tal-imsieħba soċjali u tal-ftehimiet kollettivi; il-kollaborazzjoni u l-ftehim mill-qrib mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili; it-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tas-Semestru Ewropew; it-tisħiħ tad-djalogu soċjali b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna r-riformi tas-suq tax-xogħol.

2.2   Strumenti rilevanti għal stħarriġ dwar it-tkabbir

2.2.1

Il-KESE jinnota l-bidla gradwali minn koordinazzjoni lejn governanza ekonomika aktar vinkolanti għall-Istati Membri permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew li jissarraf f'valutazzjoni fl-aħħar tal-2013 tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż li ser jiggwidaw il-proposti għal rakkomandazzjonijiet li jmiss tar-rebbiegħa tal-2014 u l-impatt tagħhom fuq il-PNR. L-interkonnessjoni bejn l-istrumenti differenti tas-Semestru Ewropew, li jikkontribwixxu biex tingħata dijanjożi għal koordinazzjoni akbar tal-politiki ekonomiċi, tikkostitwixxi mekkaniżmu perfezzjonat li sfortunatament attwalment huwa kkontrollat biss minn għadd żgħir ħafna ta' esperti Ewropej u nazzjonali.

2.2.2

Għall-ewwel darba matul il-ħarifa 2013, il-Kummissjoni vvalutat l-abbozzi ta' baġits nazzjonali tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro, qabel ma dawn jiġu diskussi u adottati mill-parlamenti nazzjonali. Il-Kummissjoni ma talbet li ssir l-ebda reviżjoni tal-abbozzi tat-13-il Stat Membru fiż-żona tal-euro kkonċernati, u b’hekk għalissa ġiet evitata l-kwistjoni tal-kunflitti ta’ leġittimità. Madankollu, ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija li janalizza tnax-il indikatur makroekonomiku (7) juri li sittax-il pajjiż, din is-sena se jkunu soġġetti għal valutazzjoni dettaljata ta' jekk jeżistux żbilanċi u jekk humiex eċċessivi jew le.

2.2.3

Il-Kummissjoni tqis li attwalment ninsabu f'salib it-toroq, bi prospett ta' rkupru aggregat (1,1 % għaż-żona tal-euro, u 1,4 % għall-UE-28) li għaldaqstant jeħtieġ li jissaħħaħ. Il-Kumitat jinsab imħasseb li dan il-bidu ta' rkupru li għadu fraġli mhux qed jiġi osservat fl-Istati Membri kollha. Madankollu jirrikonoxxi evoluzzjoni f'dan l-SAT li tagħti l-ewwel prijorità lit-tkabbir u l-kompetittività. Il-Kumitat ser jiżgura l-implimentazzjoni ta' din il-prijorità billi l-EUR 400 biljun jiġu dedikati għal proġetti bil-għan li din tiġi konkretizzata. Huwa ser jara li dan l-istrument futur ta' konverġenza u ta' kompetittività jikkontribwixxi biex jgħin lill-pajjiżi li jinsabu f'diffikultà fir-ritmu u l-kwalità tar-riformi tagħhom.

2.3   Persistenza tal-inċertezzi?

2.3.1

L-SAT jippromovi rkupru li qed jinbet, li għadu modest. Il-Kumitat jiddikjara li jinsab imħasseb dwar l-inċertezzi li jissemmew fid-dokument tal-Kummissjoni bħar-rabtiet bejn il-banek inadempjenti u d-dejn sovran jew it-tnaqqis tad-domanda tal-pajjiżi emerġenti; il-frammentazzjoni tas-sistema finanzjarja, il-livelli għoljin ta' qgħad li jdgħajfu l-prospetti u jikkostitwixxu reżistenza għat-tkabbir.

2.3.2

Il-KESE jinnota li t-ton ġenerali tal-SAT tal-2014 huwa aktar ottimist mill-previżjonjiet tal-FMI u tal-OECD, li skonthom ir-ritmu tal-irkupru ekonomiku dinji huwa aktar dgħajjef minn dak li tħabbar f'Mejju 2013, b'mod partikolari minħabba d-degradazzjoni tal-prospetti tal-ekonomiji emerġenti (8). Dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni sikwit tat prova ta' ottimiżmu billi ħabbret irkupru li kien għadu ma seħħx. Jitlob lill-Kummissjoni li jmiss biex terġa' teżamina l-previżjonijiet ekonomiċi u jekk ikun hemm bżonn tbiddel il-limiti. Fi kwalunkwe każ, jenfasizza li staġnar jew irkupru bil-mod wisq jhedded is-sistemi tal-protezzjoni soċjali, b'mod partikolari fil-pajjiżi fejn tali sistemi għadhom fraġli.

2.3.3

Id-degradazzjoni tas-suq tax-xogħol minħabba l-kriżi mhijiex akkumpanjata minn titjib proporzjonali meta l-ekonomija tistabbilizza, l-SAT jillimita ruħu kemm jitlob distakk fiż-żmien bejn l-irkupru u t-tijib fl-impjiegi. Jekk dan id-distakk jippersisti hemm riskju ta' qgħad strutturali fit-tul. Huwa għalhekk li l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għandha tkun stimolata b'modi differenti: kwalifiki, taħriġ tul il-ħajja, parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, iżda wkoll programmi ta' investimenti pubbliċi u privati li joħolqu l-impjieg.

2.3.4

Għadu kmieni wisq biex niddikkjaraw li l-kriżi taż-żona tal-euro hija ħaġa tal-passat. Jeżistu riskji, fosthom ir-riskju li inflazzjoni baxxa wisq (anqas minn 1 %) fuq żmien twil ma twassalx għal deflazzjoni, u dan jista' jkun diżastruż għall-prospetti ta' rkupru. Il-politika monetarja tal-BĊE f'dan ir-rigward hija deċiżiva. Fost ir-riskji l-oħra, il-Kumitat jenfasizza li għadd ta' banek għadhom jistgħu jirriżultaw dgħajfa wisq biex jilħqu l-obbligi tagħhom. It-test ta' reżistenta li jmiss ikkontrollat mill-BĊE huwa indikatur importanti tal-istat tas-saħħa tas-settur finanzjarju.

2.3.5

L-SAT jirrikonoxxi li l-prospetti huma diffiċli għall-intrapriżi li qed jaraw prospetti dgħajfa ta' tkabbir f'ċerti pajjiżi u diffikultajiet ta' aċċess għal kreditu li jpoġġu f'diffikultà lil ħafna SMEs, u li jwasslu għal fallimenti.

2.3.6

Il-KESE jirrikonoxxi li l-eżistenza ta' diverġenzi ekonomiċi u soċjali jagħmluha diffiċli li jitwettaq l-eżerċizzju tal-istabbiliment ta' prijoritajiet uniformi u validi għall-Unjoni Ewropea kollha. Sabiex jiġu stabbiliti r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti, il-Kumitat jirrakkomanda li jittieħdu miżuri konkreti sabiex ikun żgurat djalogu bejn il-Kummissjoni u s-soċjetajiet ċivili, u jissaħħaħ id-djalogu soċjali.

2.3.7

Il-KESE għadu mħasseb ħafna dwar il-problemi li rriżultaw mill-kriżi. Huwa jistima allarmanti r-riskji potenzjali tal-istħarriġ tal-kwalità tal-assi tal-banek u t-testijiet ta' reżistenza li ser isiru matul l-2014, li hija superviżjoni li għandha tkun kredibbli iżda li għaliha l-Unjoni bankarja ma tipprovdi l-ebda soluzzjoni immedjata.

2.3.8

Il-KESE jilqa' l-ftehim dwar id-Direttiva relatata mas-sistemi ta' garanzija tad-depożiti u dwar id-Direttiva relatata mal-irkupru tal-banek u r-riżoluzzjoni tal-inadempjenzi tagħhom. L-implimentazzjoni tal-unjoni bankarja, fil-partijiet ta' sorveljanza u ta' riżoluzzjoni tagħha, ser tkun element importanti għall-irkupru u biex terġa' tinbena l-fiduċja. Huwa għalhekk li l-KESE jsejjaħ għal adozzjoni rapida tal-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni unika, għodda utli għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji futuri. Il-Kumitat huwa diżappuntat ħafna minħabba li l-Kunsill reċenti ma rnexxilux jikseb ftehim dwar unjoni bankarja sħiħa u għażel li jimpjega proċess intergovernattiv.

3.   Stabilizzazzjoni iżda frammentazzjoni

3.1

L-SAT jagħraf li s-sehem tal-kummerċ tal-UE fid-dinja huwa parti importanti tar-rikkezza tal-UE li torjenta l-irkupru tagħha lejn tkabbir immexxi mill-esportazzjoni lejn pajjiżi emerġenti, billi f'xi pajjiżi twettaq żvalutazzjoni domestika.

F'kuntest ta' kompetizzjoni internazzjonali qawwija, l-UE għandha pożizzjoni dominanti fis-suq minkejja evoluzzjoni sinifikanti tal-fluss u tal-katini ta' valur. Hija tipprova wkoll tiżgura aktar trasparenza fl-investiment. B'reazzjoni għal dawn l-iżviluppi, l-UE hija involuta f'negozjati bilaterali li jinkludu l-kummerċ u l-investiment u fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet bilaterali. Il-Kumitat jibqa' attent li jiġu infurzati r-regoli, in-normi u l-valuri fil-ftehimiet kollha, inkluż permezz ta' miżuri ta' salvagwardja jew riżoluzzjoni tat-tilwim tad-WTO u b'parteċipazzjoni f'mekkaniżmi għall-monitoraġġ tal-ftehimiet.

3.2

Il-prijorità assoluta mogħtija fl-ewwel SAT lill-politiki ta' awsterità drastiċi u ġeneralizzati llum il-ġurnata hija sostitwita minn politika divrenzjata ta' objettivi aktar sfumati ta' konsolidazzjoni fiskali. Il-KESE jappoġġja l-appell li tnieda lill-Istati Membri, li huma mistiedna jfasslu aħjar il-programmi ta' konsolidazzjoni tagħhom u biex jagħtu aktar attenzjoni lill-kwalità, il-kompożizzjoni u t-taħlita tagħhom. Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tenfasizza b'mod espliċitu l-influwenza tal-politika fiskali fuq it-tkabbir, l-effiċjenza tas-settur pubbliku u l-ġustizzja soċjali u jiddeplora s-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

3.3

Kif enfasizza fl-Opinjoni tiegħu dwar id-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-KESE jinsab inkwetat dwar il-fatt li s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tirrifletti evoluzzjonijiet diverġenti enfasizzati bejn il-pajjiżi jew gruppi ta' pajjiżi fir-rigward tal-irkupru ekonomiku u l-inugwaljanzi soċjali li għaldaqstant jikkompromettu perspettiva ta' prosperità kondiviża bejn l-Istati Membri. L-UE għandha l-missjoni li tevita l-frammentazzjoni ekonomika u soċjali li dejjem tikber mhux biss fi ħdan iż-żona tal-euro iżda wkoll fis-suq uniku. Il-KESE jtenni l-appell tiegħu favur direttiva qafas bil-għan li l-faqar jiġi miġġieled billi tiġi faċilitata l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol.

3.4

L-UE kollha għandha timpenja ruħha wkoll f’riformi li jippermettulha tadatta ruħha aħjar għar-realtajiet ekonomiċi li qed jinbidlu. Kif ġie enfasizzat diġà fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar l-SAT tal-2013, l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' dawn ir-riformi strutturali għandhom jinqasmu b'mod ugwali bejn l-atturi kollha (ħaddiema, djar/konsumaturi u intrapriżi).

3.5

Il-KESE huwa tal-opinjoni li l-prijoritajiet tal-SAT tal-2014 ma jirriflettux biżżejjed ir-rabta mal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-objettivi kwantifikati tagħha. Itenni l-fatt li jinsab inkwetat fir-rigward tan-nuqqas ta' progress fit-twettiq tal-objettivi ta' din l-istrateġija. Jistaqsi għala ma ġewx analizzati r-raġunijiet ta' dan in-nuqqas ta' progress u jistenna b'interess ir-reviżjoni ta' nofs it-term; u jinsab inkwetat dwar l-aggravazzjoni tat-tendenzi diverġenti fi ħdan l-UE fir-rigward tal-attività ekonomika, tal-impjieg, tal-qgħad u tal-prekarjetà. Kulma jmur qed nitbiegħdu mill-objettiv tal-Istrateġija Ewropa 2020 f’ċerti oqsma. Ir-rata tal-qgħad tidher li qed tistabbilizza għal 10,9 % fl-Unjoni Ewropea (12,1 % fiż-żona tal-euro), jiġifieri livelli li qatt ma ntlaħqu minn mindu ġiet stabbilita l-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

3.6

Minkejja talba urġenti tal-istituzzjonijiet sa mill-2011 għal tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-UEM, il-Kumitat jiddeplora r-riżultati qarrieqa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013 li kien inkluda din il-prijorità fl-aġenda tiegħu. Minkejja dan ifakkar li kellu għodod ta' dijanjożi li jaħdmu fir-rapport dwar l-impjieg. Jinnota li s-Semestru Ewropew jinkludi t-tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi soċjali fir-rapport dwar l-impjieg u jirrakkomanda li din it-tabella tiġi integrata fi ħdan qafas uniku ta' sorveljanza li jitratta b'mod ugwali d-dimensjoni ekonomika u dik soċjali. Għandu jkun hemm objettivi kwantifikabbli tal-impjieg u tal-prestazzjoni soċjali li jakkumpanjaw l-objettivi ta' dejn u ta' defiċit pubbliku Dawn għandhom isegwu l-mekkaniżmi simili ta' aġġustament u ta' solidarjetà biex jikkoreġu l-inugwaljanzi soċjali u jippromovu l-investiment soċjali. Il-KESE ilu jenfasizza li jeżisti bżonn kbir ta' investimenti, inklużi investimenti soċjali, li joħolqu l-impjieg, inaqqsu l-faqar u jiġġieldu kontra l-esklużjoni soċjali. Dan jirrikjedi investimenti kemm privati kif ukoll pubbliċi, filwaqt li meta jkun meħtieġ, għandhom jiġu implimentati riformi strutturali.

3.7

Il-KESE jenfasizza wkoll li l-problemi strutturali fl-Istati Membri għandhom jiġu indirizzati mill-punt tat-tluq. Il-kompetittività strutturali, it-tkabbir ekonomiku u dimensjoni soċjali qawwija huma l-elementi ewlenin biex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi. It-tabella ta’ valutazzjoni ta’ indikaturi soċjali proposta reċentement għandha tintuża biex jissaħħu l-bidliet fuq perjodu qasir u medju, f’kollaborazzjoni u ftehim mill-qrib mal-imsieħba soċjali.

3.8

Huwa indispensabbli li tiġi integrata d-dimensjoni tal-ġeneru fil-governanza ekonomika l-ġdida. Il-Kumitat jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri biex fir-riformi jikkunsidraw id-dimensjoni tal-ġeneru, fl-istrumenti kollha jistabbilixxu data speċifikament relatata mal-ġeneru u jispeċifikaw l-impatt tal-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fuq it-tkabbir b'mod partikolari fil-PNR u r-rakkomandazzjonijiet għal kull pajjiż.

3.9

Minħabba nuqqas ta' koordinazzjoni xierqa tal-politiki nazzjonali, xi politiki ta' Stat Membru jista' jkollhom impatt negattiv fuq Stat Membru ieħor. Issir referenza għal dan fl-SAT iżda jeħtieġ li tiġi approfondita r-riflessjoni li tnediet mill-Komunikazzjoni dwar l-abbozzi ta' riformi ekonomiċi kbar għal kalendarju koerenti ta' riformi strutturali. F'dan il-qasam ta' riflessjoni jidħlu l-kompetizzjoni fiskali u soċjali jew inkella l-għażliet tat-taħlita enerġetika u l-politiki migratorji li jista' jkollhom riperkussjonijiet dannużi fuq Stati Membri oħra.

3.10

L-akbar sfida issa hija li jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomiku, li b'mod partikolari jinvolvi l-implimentazzjoni korretta ta' dawn ir-riformi ekonomiċi l-kbar, it-tisħiħ tal-kompetittività strutturali, il-kapaċità tal-innovazzjoni, it-titjib tal-kwalità tas-servizzi u l-prodotti, ir-reviżjoni tal-organizzazzjoni tax-xogħol u l-iżvilupp tar-riċerka u l-applikazzjonijiet tagħha flimkien ma' fatturi oħra ta' prezz kompetittiv in-nefqa fil-kapital produttiv u n-nefqa tax-xogħol iżda fl-istess ħin it-taxxa tal-kambju ġudikata pjuttost għolja għall-euro.

4.   Investiment fil-perjodu fit-tul favur tkabbir sostenibbli

4.1

Il-KESE jiddispjaċih li ma ġietx enfasizzata biżżejjed il-kwistjoni tal-investiment u dik tat-tħeġġiġ tad-domanda interna. L-Ewropa għandha bżonn it-tkabbir u l-impjieg, u għaldaqstant għandha bżonn programm ġdid ta' investiment Ewropew. Il-KESE jtenni l-proposti tiegħu għal pjan ta' investiment li jikkonċerna l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ, l-iżvilupp sostenibbli, proġetti innovattivi għall-futur, iżda wkoll l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-infrastrutturi u l-ekoeffiċjenza. Il-kriterju prinċipali għal programm bħal dan għandu jkun il-ħolqien tal-impjiegi, it-tnaqqis tal-faqar li jirriżulta minnu kif ukoll it-tħaffif tan-nefqa tal-baġits pubbliċi bis-saħħa ta’ parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol.

4.2

Programm ta' investiment bħal dan għandu jikkompleta u jsaħħaħ l-isforzi magħmula għat-titjib tal-kompetittività tal-intrapriżi u l-appoġġ għall-irkupru ekonomiku, sabiex il-prestazzjoni ekonomika tal-UE tissaħħaħ fix-xena internazzjonali, u li jkun żgurat futur rikk, inklużiv u effiċjenti fir-riżorsi għaliha. Is-solidarjetà u l-lealtà – kemm fil-pajjiżi kif ukoll madwar l-Ewropa – huma elementi essenzjali biex jiggarantixxu li l-isforzi li jittieħdu jkunu politikament u soċjalment aċċettabbli u għall-benefiċċju ta' kulħadd.

4.3

Il-KESE jistqarr li jinsab sodisfatt bir-referenza għall-użu effikaċi tar-riżorsi naturali u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar l-enerġija fost il-prijoritajiet tal-SAT tal-2014 bil-għan li jiġu żgurati t-tkabbir u l-kompetittività. Skont il-Kumitat, l-ekonomija ekoloġika inklużiva ser tkun l-isfida ewlenija tas-snin li ġejjin u tikkostitwixxi mobilizzazzjoni għall-ħruġ mill-kriżi. Il-miżuri biex jiġu stimolati t-tkabbir u l-impjiegi għandhom ikunu bbażati fuq tranżizzjoni ekoloġika lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u li tkun ekoeffiċjenti fir-riżorsi minn issa sal-2050. L-UE għandha tħaffef il-proċess.

4.4

Peress li t-tnaqqis baġitarju waħdu ma jistax iwassal għat-tkabbir, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tkompli tiżviluppa l-ideat tagħha fir-rigward tal-politiki ta' investiment privat, l-aċċess għall-kreditu għall-SMEs, l-għoti ta' spinta lill-konsum u r-riformi strutturali fir-rigward tal-politiki fiskali. Il-miżuri li jittieħdu fil-livell nazzjonali f'dawn it-tliet oqsma – l-investiment, il-konsum u l-fiskalità – ma jistax ikollhom l-effett kollu tagħhom jekk ma jseħħux f'qafas Ewropew definit b'mod ċar, ikkoordinat u mmirat lejn perspettivi ta' żvilupp sostenibbli u prosperità kondiviża.

4.5

Il-KESE jtenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu favur l-investiment fil-livell Ewropew, b'mod partikolari permezz tal-ħruġ ta' bonds tal-BEI jew tal-FEI għall-finanzjament tat-tkabbir, billi jinġibdu l-bilanċi fil-kontijiet ta' tifdil fil-livell dinji, tingħata awtorizzazzjoni biex ċerti investimenti strutturali tal-futur jinħarġu mill-perimetru tad-dejn pubbliku u tingħata aktar attenzjoni lill-politika industrijali.

4.6

Sabiex tingħata spinta ġdida lid-domanda interna fl-Ewropa, jeħtieġ li jittejbu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, is-servizzi pubbliċi tal-impjieg, u l-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol. Minn dan il-lat il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija milqugħa b'mod partikolari, minkejja l-finanzjament modest ħafna. Madanakollu huwa wkoll meħtieġ li jiġu żgurati perspettivi stabbli fir-rigward tax-xogħol u l-pagi għall-ħaddiema u l-impjegati li mingħajrhom ma jkunx possibbli li jerġgħu jinbew il-fiduċja u l-konsum.

4.7

Biex jitħeġġeġ l-irkupru tas-suq intern, jeħtieġ li l-modernizzazzjoni tal-leġislazzjoni dwar il-kuntratti ta' impjieg bil-għan li tkun promossa flessibilità akbar tas-suq tax-xogħol tqis ukoll, filwaqt li jinżamm bilanċ, id-dimensjoni ta' “sigurtà” tas-suq tax-xogħol. Skont l-istimi tal-Eurostat, kien hemm 8,7 % ta' ħaddiema foqra fl-UE fl-2011 (9), u l-fenomenu tal-prekarjetà qed jikber bil-kriżi ekonomika.

4.8

Bl-istess mod, l-appell tal-Kummissjoni għal protezzjoni soċjali aktar effettiva biex tappoġġja t-tibdil soċjali u tnaqqas b'mod gradwali l-inugwaljanzi u l-faqar għandu jiġi interpretat bħala eżiġenza ta' kwalità tas-servizz għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Skont il-Eurostat (10) fl-2012 kwart tal-popolazzjoni tal-UE, jiġifieri 125 miljun persuna, kienet mhedda mill-faqar jew mill-esklużjoni soċjali. Din iċ-ċifra ilha tiżdied mill-2008 u dan ma ġiex ikkawżat minn ġestjoni ħażina tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, iżda mill-kriżi ekonomika u minn politiki li ma tawx biżżejjed attenzjoni lill-kwistjonijiet tal-ugwaljanza u tal-ġustizzja soċjali.

4.9

Minn dan il-lat, il-KESE jfakkar b'mod insistenti li l-ispejjeż u l-benefiċċji tar-riformi strutturali għandhom jitqassmu b'mod ugwali bejn l-atturi kollha, li jfisser l-aktar li jeħtieġ li nirriflettu minn issa dwar il-kwistjoni tat-tqassim tal-frott li qed nittamaw li ser iħalli l-irkupru sostenibbli fil-futur. Il-KESE jerġa' jitlob lill-Kummissjoni tiċċara l-fehma tagħha dwar il-pagi, l-inflazzjoni u l-produttività.

5.   Titjib tal-governanza li għadu limitat u inugwali

5.1

Il-KESE huwa tal-opinjoni li waqt il-valutazzjoni tal-governanza ekonomika Ewropea l-ġdida jeħtieġ li nipproċedu għal semplifikazzjoni tal-proċessi. Kif diġà ġie enfasizzat f'opinjonijiet tal-Kumitat, l-iskeda tas-Semestru Ewropew hija mimlija wisq bi strumenti: Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza, “six pack”, “two pack”, eċċ. Il-KESE jistqarr li din l-evoluzzjoni tal-governanza, anke jekk hija kumplessa, tidher li assigurat is-swieq fir-rigward tar-rieda tal-UE u tal-Istati Membri li jegħlbu l-isfidi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Minn issa 'l quddiem jeħtieġ li l-kredibbiltà, il-leġibbiltà u l-leġittimità jkunu marbuta ma' xulxin.

5.2

Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili, l-SAT jidher li jenfasizza l-aktar fuq l-approprjazzjoni nazzjonali u ma jenfasizzax biżżejjed fuq parteċipazzjoni ġenwina ta' dawn l-atturi fit-tfassil tal-orjentazzjonijiet u fl-implimentazzjoni tal-politiki. Il-kredibbiltà u l-aċċettabbiltà soċjali tar-riformi jiddependu fuq kollaborazzjoni u ftehim mill-qrib mal-imsieħba soċjali, u dan ikun il-garanzija tas-suċċess tal-implimentazzjoni tagħhom.

5.3

Iċ-ċittadini Ewropej qed jistennew ukoll li permezz tal-governanza l-ġdida l-Ewropa u l-Istati Membri jegħlbu l-isfidi l-oħra li qed jiffaċċjaw: ġlieda kontra t-tisħin globali, politika dwar l-enerġija, politika industrijali, promozzjoni tal-użu prudenti u effiċjenti tar-riżorsi, eċċ. F'dan ir-rigward, il-KESE bi pjaċir jinnota l-prijoritajiet stabbiliti mill-Kummissjoni fil-qasam tal-enerġija.

5.4

Fil-qafas ta' governanza ekonomika u soċjali bi proċedura unika ta' sorveljanza, jista' jiġi implimentat mekkaniżmu ta' inċentiv biex jingħata appoġġ lir-riformi nazzjonali bil-għan li jkun hemm konverġenża u kompetittività. L-SAT tal-2014 jirreferi għad-dibattitu matur li jikkonċerna strument ġdid ta’ konverġenza u ta’ kompetittività b’“arranġamenti kuntrattwali”“jew kuntratti għall-kompetittività” li jinkludu impenji ta’ riformi fl-Istati Membri minflok implimentazzjoni faċilitata b’appoġġ finanzjarju. Fil-fehma tal-Kumitat u soġġett għal kjarifiki dwar il-mod ta' finanzjament (il-valur miżjud meta mqabbel mal-fondi strutturali eżistenti, it-tipi ta' riformi appoġġjati, id-daqs tal-istrument finanzjarju, is-sors ta' finanzjament) u l-orjentazzjoni ta' dawn l-arranġamenti kuntrattwali, jeħtieġ li d-dibattitu jinżamm miftuħ mingħajr għaġla. L-approċċ kuntrattwali, li fuqu huwa bbażat l-istrument ta’ konverġenza u ta’ kompetittività jista’ joffri marġni ta’ flessibbiltà fil-livell nazzjonali sabiex jiġu involuti aħjar is-soċjetajiet ċivili. Barra minn hekk, jidher li huwa t-triq tan-nofs bejn il-koordinazzjoni volontarja u t-triq obbligatorja fl-oqsma fejn il-kompetenza komunitarja attwalment hija limitata. L-Istati Membri ser jikkonsultaw mill-ġdid dwar dan fil-Kunsill ta’ Ottubru 2014.

5.5

Fir-rigward tal-bidla minn tassazzjoni fuq l-impjieg għal, b'mod partikolari, il-konsum, il-KESE jibża' li din tikkontribwixxi, f'dan il-kuntest, biex iddgħajjef id-domanda interna. Barra minn hekk jinsab imħasseb dwar ir-riskju ta’ kompetizzjoni għat-tnaqqis fil-pagi bejn l-Istati Membri, li tkompli ddgħajjef id-domanda.

5.6

Fir-rigward tal-fiskalità ambjentali, il-KESE jinnota b'interess li l-Kummissjoni stabbiliet bħala prijorità li tirrevedi t-tassazzjoni biċ-ċaqliċ tal-piż fiskali fuq l-impjieg lejn aspetti oħra marbuta fost l-oħrajn mat-tniġġis. Jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex jiġu promossi riformi ta' fiskalità ambjentali fl-Istati Membri għaliex dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-konsolidazzjoni fiskali filwaqt li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konsum tar-riżorsi naturali u ta' karburanti fossili importati. Dan ikollu anqas impatti negattivi fuq it-tkabbir u l-impjiegi milli t-taxxi indiretti.

5.7

F'dak li jikkonċerna l-fiskalità fuq il-proprjetà, li l-SAT isemmi biss bħala sors alternattiv għat-tassazzjoni fuq l-impjieg, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tiċċara l-ideat tagħha u li tippreżenta elementi sostanzjali fl-SAT li jmiss.

Brussell, 26 ta' Frar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henry MALOSSE


(1)  Ara CESlink: http://www.eesc.europa.eu/ceslink/?i=ceslink.en.home

(2)  Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir COM(2013)800 final + annessi.

(3)  Van Rompuy.- “Towards a genuine economic and monetary union” (Lejn unjoni ekonomika u monetarja ġenwina) (mhux disponibbli bil-Malti) – Brussell, 12 ta’ Ottubru 2012 – il-Kunsill Ewropew.

(4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, Diċembru 2013.

(5)  Ħames indikaturi: ir-rata tal-qgħad, iż-żgħażagħ mingħajr taħriġ u mingħajr impjieg, ir-riskju ta' faqar tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, l-inugwaljanzi, id-dħul gross reali disponibbli tad-djar.

(6)  Sħubija ġdida globali, il-pożizzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea dwar il-qafas ta' azzjonijiet għal wara l-2015.

(7)  Tabella ta' indikaturi għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi: il-bilanċ tal-kont kurrenti, il-pożizzjoni internazzjonali netta, ir-rata tal-kambju reali effettiva, parti mis-suq tal-esportazzjoni, l-ispejjeż tax-xogħol tal-unità nominali, il-prezzijiet tal-proprjetà eskluża l-inflazzjoni, il-fluss tal-kreditu fis-settur privat, ir-rata ta' qgħad – il-medja fuq tliet snin, id-dejn tas-settur privat, id-dejn tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, it-total tal-obbligazzjonijiet tas-settur finanzjarju.

(8)  OECD, Economic outlook, analysis and forecasts – Euro Area – Economic forecast summary (Novembru 2013), http://www.oecd.org/en/eco/perspectives/zoneeuroprojectionseconomiques.htm

(9)  http://www.europarl.europa.eu/RegData/bibliotheque/briefing/2013/130424/LDM_BRI(2013)130424_REV1_FR.pdf (mhux diponibbli bil-Malti).

(10)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/3-05122013-AP/FR/3-05122013-AP-FR.PDF (mhux disponibbli bil-Malti).


8.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika”

(kodifikazzjoni)

COM(2013) 932 final – 2010/0095 (COD)

2014/C 214/11

Nhar it-13 ta’ Jannar 2014 u nhar il-21 ta' Frar 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43, 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (kodifikazzjoni)

COM(2013) 932 final – 2010/0095 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u li barra minn hekk diġà ta fehmtu fl-Opinjoni tiegħu CESE 966/2010, adottata fl-14 ta’ Lulju 2010 (1), iddeċieda, matul l-496a sessjoni plenarja tiegħu (seduta tas-26 ta' Frar), b'224 vot favur, 4 voti kontra u 13-il astensjoni, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

 

Brussell, 26 ta' Frar 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar il-“Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika” (kodifikazzjoni),Ġ.U. C 44, tal-11 ta' Frar 2011, p. 142.