ISSN 1977-0987

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 133A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
1 ta' Mejju 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Bank Ċentrali Ewropew

2014/C 133A/01

Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għal esperti esterni biex jinħatru bħala membri u supplenti tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-Bank Ċentrali Ewropew (Frankfurt am Main, il-Ġermanja)

1

 

2014/C 133A/02

Reviżjoni tal-Ġurnali Uffiċjali C A Kompetizzjoni

5

MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Bank Ċentrali Ewropew

1.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 133/1


Sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għal esperti esterni biex jinħatru bħala membri u supplenti tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tal-Bank Ċentrali Ewropew (Frankfurt am Main, il-Ġermanja)

2014/C 133 A/01

 

1.   Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (1) jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) fuq il-bażi tal-Artikolu 127(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-MSU ser ikun kompost mill-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, bil-possibbiltà li tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro. Il-BĊE ser ikun responsabbli għall-funzjonament ġenerali tal-MSU.

Skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE ser jistabbilixxi Bord Amministrattiv ta’ Rieżami (il-“Bord Amministrattiv”) għall-finijiet li jwettaq rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħuda mill-BĊE fl-eżerċitar tas-setgħat mogħtija lilu permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 wara talba għal rieżami.

Il-BĊE b’hekk jorganizza din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess biex jaħtar il-ħames membri u ż-żewġ supplenti tal-Bord Amministrattiv skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni BĊE/2014/16 (2).

2.   Il-BĊE u l-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami tiegħu

Il-Bord Amministrattiv huwa parti integrali mill-MSU. Kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 titlob rieżami ta’ deċiżjoni tal-BĊE meħuda taħt dak ir-Regolament u indirizzata lil dik il-persuna, jew li tikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna, minbarra deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE meħuda taħt l-Artikolu 24(7) ta’ dak ir-Regolament.

3.   Kompożizzjoni tal-Bord Amministrattiv

Skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bord Amministrattiv huwa kompost minn ħames individwi u żewġ supplenti ta’ reputazzjoni tajba. Huwa għandu jkollu biżżejjed riżorsi u ħila esperta biex jevalwa l-eżerċitar tas-setgħat tal-BĊE taħt ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Il-Membri tal-Bord Amministrattiv u ż-żewġ supplenti jinħatru mill-BĊE għal terminu ta’ ħames snin, li jista’ jiġi estiż darba, u jaġixxu indipendentement u fl-interess pubbliku.

Iż-żewġ supplenti għandhom jissostitwixxu temporanjament lill-membri tal-Bord Amministrattiv f’każ ta’ inkapaċità temporanja, mewt, riżenja jew tneħħija mill-kariga ta’ xi membru, jew jekk fil-kuntest ta’ talba għal rieżami, ikun hemm raġunijiet iġġustifikati għal tħassib serju dwar l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interess, eż. meta membru tal-Bord Amministrattiv ikollu interess privat jew personali li jista’ jinfluwenza, jew jidher li jinfluwenza, it-twettiq imparzjali u oġġettiv tad-dmirijiet tiegħu.

Il-membri tal-Bord Amministrattiv u s-supplenti tagħhom ser jiġu nnominati mill-Bord Eżekuttiv, wara konsultazzjoni tal-Bord Superviżorju, u maħtura mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE. Il-Kunsill Governattiv ser jistabbilixxi wkoll it-termini u l-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-membri u s-supplenti tal-Bord Amministrattiv.

4.   Il-President u l-Viċi President tal-Bord Amministrattiv

Il-Bord Amministrattiv għandu jinnomina l-President u l-Viċi President minn fost il-membri tiegħu. Il-President għandu jiżgura l-funzjonament tal-Bord Amministrattiv, l-eżaminazzjoni effiċjenti ta’ rieżamijiet u l-ħarsien tar-Regoli Operattivi. Il-Viċi President għandu jassisti lill-President fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u jieħu postu meta l-President ma jkunx jista' jaġixxi jew fuq talba mill-President, sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-Bord Amministrattiv.

5.   Kwalifiki u esperjenza tal-membri u s-supplenti tal-Bord Amministrattiv

B’mod konformi mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-membri u s-supplenti tal-Bord Amministrattiv jintgħażlu fuq il-bażi tar-reputazzjoni tajba tagħha u rekord ippruvat ta’ għarfien u esperjenza professjonali relevanti, inkluża esperjenza superviżorja, sa livell għoli biżżejjed fl-oqsma tas-servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħrajn. Il-persunal attwali tal-BĊE, kif ukoll persunal attwali ta’ awtoritajiet kompetenti jew istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħrajn, kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni Ewropea (UE), li huma involuti fit-twettiq ta’ kompiti mogħtija lill-BĊE permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, huma esklużi mill-għażla. Il-membri tal-Bord Amministrattiv u s-supplenti ma għandhomx ikunu involuti f’xi kariga oħra fis-settur bankarju jew finanzjarju li tista’ tpoġġihom f’kunflitt ta’ interessi u tillimita l-kapaċità tagħhom li jisimgħu appelli. Huma għandhom ikunu disponibbli fi żmien qasir biex jisimgħu appelli kontra deċiżjonijiet tal-BĊE.

Il-ħatra tal-membri tal-Bord Amministrattiv u ż-żewġ supplenti għandha ssir sabiex jiġi żgurat, kemm jista’ jkun, bilanċ xieraq ġeografiku u bejn is-sessi fl-Istati Membri kollha.

L-applikazzjonijiet ser ikunu soġġetti għal evalwazzjoni komparattiva mwettqa mill-BĊE. B’mod partikolari, ser jitqiesu dawn il-kriterji:

a.    Kriterji tal-għażla

Il-kandidati għandu jkollhom dawn il-ħiliet u kompetenzi kollha:

għandhom ikunu jafu u jifhmu tajjeb ħafna l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tas-servizzi bankarji u servizzi finanzjarji oħrajn,

għandhom ikunu jafu u jifhmu tajjeb ħafna kif jaħdem is-settur bankarju,

għandhom ikunu jafu u jifhmu tajjeb ħafna l-proċeduri superviżorji u l-prattika ġudizzjarja fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ appell superviżorji.

Barra minn hekk, huwa vantaġġ distint għall-kandidati li jkollhom dawn il-kapaċitajiet u kompetenzi:

esperjenza superviżorja fis-settur bankarju jew esperjenza ta’ xogħol legali relatat mas-superviżjoni,

ikunu jifhmu sew l-istituzzjonijiet Ewropej u l-proċessi għat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE, kif ukoll proċessi oħra Ewropej u internazzjonali ta’ relevanza għall-attivitajiet tal-BĊE, u l-MSU b’mod partikolari,

ikunu jifhmu sew il-kompiti u l-funzjonament tal-BĊE, u l-MSU b’mod partikolari.

b.    Kriterji ta' eliġibbiltà

Il-kandidati għandhom jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà formali li ġejjin (li għandhom ikunu sodisfatti sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet). Huma għandhom:

ikollhom in-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-UE, u jkunu intitolati għad-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadin,

ikollhom ħakma avvanzata tal-Ingliż b’evidenza ta’ abbiltà fl-abbozzar u ta’ ħiliet fil-preżentazzjoni,

ikunu jafu sew ta’ mill-inqas lingwa uffiċjali oħra tal-UE.

Barra minn hekk, ħakma avvanzata jew tajba ta’ lingwi uffiċjali oħrajn tal-UE tkun ta’ vantaġġ.

6.   Remunerazzjoni

Il-kandidati magħżula jingħataw remunerazzjoni skont il-kompiti assenjati lilhom.

7.   Ħatra

Il-proċedura tal-għażla ssir skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u r-Regoli Operattivi tal-Bord Amministrattiv. Il-membri tal-Bord Amministrattiv u s-supplenti tagħhom jinħatru mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE f’kapaċità personali u b’hekk ma jistgħux jiddelegaw ir-responsabbiltajiet tagħhom lil membru ieħor jew lil terza persuna.

8.   Indipendenza u dikjarazzjonijiet ta’ impenn u interess

Il-membri tal-Bord Amministrattiv għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u fl-interess pubbliku. Għal dak l-iskop, huma għandhom jagħmlu dikjarazzjoni pubblika tal-impenji u dikjarazzjoni pubblika tal-interessi li tindika kull interess dirett jew indirett li jista’ jitqies bħala ta’ preġudizzju għall-indipendenza tagħhom, jew in-nuqqas ta’ kwalunkwe interess ta’ dan it-tip. Huma għandhom jiddikjaraw ukoll li ser jikkonformaw mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità.

9.   Dikjarazzjoni ta’ privatezza

Il-BĊE ser jipproċessa kull informazzjoni personali dwar il-kandidati skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u d-Deċiżjoni BĊE/2007/1 (4). Dan japplika, b’mod partikolari, għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ dik id-dejta. Id-Direttur Ġenerali għas-Servizzi Legali tal-BĊE ser jiġi identifikat bħala kontrollur għall-ipproċessar ta’ dejta personali relatata mal-involviment tal-BĊE fil-proċedura ta’ għażla fuq il-bażi ta’ din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. L-iskop tal-ipproċessar tad-dejta huwa li tiġi organizzata l-għażla u l-ħatra tal-membri tal-Bord Amministrattiv. Id-dejta personali kollha ser tiġi pproċessata esklużivament għal dan l-iskop.

Dawk li jirċievu d-dejta personali tal-kandidati ser ikunu l-membri tal-Kumitat tal-Għażla, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE u l-Bord Superviżorju tal-BĊE u l-membri tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE.

Il-BĊE jista’ jżomm id-dejta tal-kandidati magħżula għal perijodu ta’ ħames snin mit-tmiem tat-terminu tal-kariga. Fil-każ ta’ kandidati li ma jintgħażlux, id-dejta tinżamm għal sentejn wara li titlesta s-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. Fil-każ ta’ tilwim legali, il-perjodi ta’ żamma msemmija hawn fuq jiġu estiżi għal sentejn wara li jitlestew il-proċeduri relevanti kollha.

Il-kandidati għandhom dritt li jaċċessaw id-dejta tagħhom u li jaġġornaw jew jikkoreġu d-dejta li tidentifikahom. Dejta li turi konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-kriterji tal-għażla tista’, madankollu, ma tiġix aġġornata jew ikkoreġuta wara d-data tal-għeluq ta’ din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess sabiex tiġi żgurata konformità mal-prinċipji ta’ aċċess ugwali u non-diskriminazzjoni u sabiex jiġi żgurat li l-proċedura tal-għażla tkun robusta, trasparenti u ġusta għall-kandidati kollha.

Il-kandidati għandhom id-dritt li jaċċessaw id-dejta ta’ evalwazzjoni tagħhom matul il-proċedura. Sabiex tiġi mħarsa l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Għażla, tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE, tal-Bord Superviżorju u l-Kunsill Governattiv tal-BĊE, u sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-kandidati l-oħrajn, l-aċċess tal-kandidati għandu jkun ristrett għas-sottomissjonijiet tagħhom stess u għall-partijiet tal-evalwazzjoni li jkunu relatati magħhom.

Il-kandidati huma intitolati li jirrikorru f’kull ħin għand il-Kontrollur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Dejta.

Malli jinħatru, l-ismijiet tal-membri u s-supplenti tal-Bord Amministrattiv jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-BĊE.

10.   Proċedura tal-applikazzjoni

Sabiex ikunu validi, l-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati skont il-proċeduri stipulati hawn isfel u għandhom jinkludu dan li ġej:

Formola ta’ applikazzjoni mimlija, disponibbli minn: http://www.ecb.europa.eu

Curriculum Vitae aġġornat (il-mudell ta’ CV Ewropew (rakkomandat) jista’ jitniżżel mill-istess sit elettroniku).

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati sa mhux aktar tard minn 21 jum tal-kalendarju wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (id-data tal-irċevuta tittieħed bħala prova). L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati bil-posta rreġistrata jew b’servizz ta’ kurrier privat lil dan l-indirizz:

European Central Bank, Director General Legal Services, Kaiserstraße 29, 60311 Frankfurt, Germany

Il-kandidati għandhom jiffirmaw l-applikazzjoni tagħhom.

L-applikazzjonijiet ippreżentati wara d-data tal-għeluq imsemmija hawn fuq jew b’mezzi oħra (eż. bil-faks) ma jiġux ikkunsidrati. Applikazzjonijiet mhux ċari jew mhux kompluti ma jiġux ikkunsidrati. Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-għażla, kull komunikazzjoni mal-applikanti dwar din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess issir bl-Ingliż.

L-applikanti għandhom iżommu lill-BĊE infurmat bil-miktub dwar kwalunkwe bidla fiċ-ċirkustanzi jew l-indirizz tagħhom mingħajr dewmien, sabiex l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ tinżamm aġġornata.

Il-kandidati kollha li japplikaw għal din is-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess jiġu infurmati dwar l-eżitu tal-proċess ta’ għażla u ħatra.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(2)  Id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operatttivi tiegħu (għadha mhijiexx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(4)  Id-Deċizjoni BĊE/2007/1 tas-17 ta’ April 2007 li tadotta regoli implimentattivi dwar il-protezzjoni tad-data fil-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 116, 4.5.2007, p. 64).


1.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 133/5


REVIŻJONI TAL-ĠURNALI UFFIĊJALI C A KOMPETIZZJONI

2014/C 133 A/02

Hawn taħt għandek issib il-lista ta' C A ppubblikati matul din is-sena.

Ħlief meta indikat mod ieħor, il-Ġurnali Uffiċjali huma ppubblikati fil-lingwi kollha.

5

 

6

 

11

 

19

 

21

 

26

 

27

 

30

(PL)

35

 

41

(DE/EN/FR)

42

 

43

 

46

 

47

 

48

 

55

 

56

 

60

 

62

 

65

 

73

(DE/EN/FR)

74

 

81

 

88

 

92

(DE/EN/FR)

97

 

98

 

99

 

108

 

109

 

116

 

119

 

133