ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2014.032.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 32

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
4 ta' Frar 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 032/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.7111 – Mitsui/ArcelorMittal Gonvarri Brasil Produtos Siderúrgicos/M Steel Comércio de Produtos Siderúrgicos) ( 1 )

1

2014/C 032/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.7112 – Sigma Alimentos/Campofrio) ( 1 )

1

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2014/C 032/03

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontribut tal-isport għall-ekonomija tal-UE, u b'mod partikolari għat-trattament tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali

2

2014/C 032/04

Abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-ambjent diġitali

6

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 032/05

Ir-rata tal-interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament: 0,25 % fl-1 ta’ Frar 2014 – Rata tal-kambju tal-euro

8

 

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2014/C 032/06

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, u proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar informazzjoni dwar min iħallas, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi

9

2014/C 032/07

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar prekursuri tad-droga

13

2014/C 032/08

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill imsejħa Tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi fl-UE: il-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (EIXM)

15

2014/C 032/09

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta emendata tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezz ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u s-sehem tagħhom fl-ambitu ta’ sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika

17

2014/C 032/10

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar Strateġija għaċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Spazju Ċibernetiku Miftuħ, Sikur u Mingħajr Periklu, u dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar miżuri biex jiġi żgurat livell komuni għoli tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fl-Unjoni kollha

19

2014/C 032/11

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (riformulazzjoni) u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja

23

2014/C 032/12

Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-Proposti għal Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) u Regolament li jistabbilixxi Programm tal-Vjaġġatur Irreġistrat (RTP)

25

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2014/C 032/13

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.7144 – Apollo/Fondo de Garantía de Depósitos de Entidades de Crédito/Synergy) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

30

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.7111 – Mitsui/ArcelorMittal Gonvarri Brasil Produtos Siderúrgicos/M Steel Comércio de Produtos Siderúrgicos)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2014/C 32/01

Fid-29 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32014M7111. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.7112 – Sigma Alimentos/Campofrio)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2014/C 32/02

Fid-29 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32014M7112. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/2


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-kontribut tal-isport għall-ekonomija tal-UE, u b'mod partikolari għat-trattament tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali

2014/C 32/03

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

I.   KONXJI MIS-SERJETÀ TAL-PROBLEMA TAL-QGĦAD FOST IŻ-ŻGĦAŻAGĦ FL-EWROPA U L-KONSEGWENZI TIEGĦU:

1.

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ ikompli jippreżenta sfida kbira għall-UE u l-Istati Membri tagħha. F'Awwissu 2013, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet ta' 23,3 % fit-28 pajjiż tal-UE (1) b'inugwaljanzi wiesgħa bejn l-Istati Membri u r-reġjuni fi ħdan l-Istati Membri (2).

2.

Iż-żgħażagħ intlaqtu b'mod sproporzjonatament qawwi mill-kriżi ekonomika. Fl-Istati Membri kollha tal-UE r-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huma ġeneralment ħafna ogħla mir-rati tal-qgħad għall-gruppi ta' etajiet oħra. Fl-aħħar tal-2012 ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ kienet 2,6 darbiet ogħla mir-rata tal-qgħad totali (3).

3.

Dawn l-iżviluppi għandhom konsegwenzi serji mhux biss għall-individwi kkonċernati iżda wkoll għas-soċjetà u l-ekonomija inġenerali. Il-qgħad fit-tul jista' jintensifika l-marġinalizzazzjoni, u jwassal għall-faqar u riskju akbar ta' esklużjoni soċjali. Hemm ukoll riskji serji għall-komunitajiet peress li n-nuqqas ta' involviment fis-suq tax-xogħol jista' jwassal lil xi żgħażagħ biex jagħżlu li ma jipparteċipawx fis-soċjetà ċivili, u dan potenzjalment iwassal għal aktar frammentazzjoni soċjali.

4.

Waħda mill-kwistjonijiet l-aktar sinifikanti li jirriżultaw mill-kriżi li ż-żgħażagħ jiffaċċjaw fl-Ewropa hija l-isfida li ġejja min-nuqqas ta' impjiegi u esperjenza ta' xogħol. Hemm ukoll differenza li qed tikber bejn il-ħiliet imfittxija minn ċerti impjegaturi u dawk il-ħiliet li għandhom ħafna impjegati prospettivi.

II.   FILWAQT LI JFAKKRU LI L-KUNSILL EWROPEW:

5.

Irrikonoxxa l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ bħala “objettiv partikolari u immedjat” u enfasizza l-importanza li tingħata “l-attenzjoni mistħoqqa lill-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' gruppi ta' żgħażagħ vulnerabbli li qegħdin jiffaċċjaw sfidi speċifiċi” (4).

III.   JISSOTTOLINJAW L-POTENZJAL TAL-ISPORT BIEX DAWN L-ISFIDI JIĠU INDIRIZZATI:

6.

Permezz tal-impenn fl-isport, iż-żgħażagħ jistgħu jiksbu ħiliet u kompetenzi personali u professjonali speċifiċi li jkabbru l-kapaċità għall-impjieg. Dawn jinkludu t-tagħlim dwar kif titgħallem, il-kompetenzi soċjali u ċiviċi, it-tmexxija, il-komunikazzjoni, il-ħidma f'tim, id-dixxiplina, il-kreattività, l-intraprenditorija. L-isport jipprovdi wkoll għarfien u ħiliet professjonali f'oqsma bħall-kummerċjalizzazzjoni, l-amministrazzjoni, is-sikurezza u s-sigurtà pubblika. Dawn il-ħiliet u l-kompetenzi kollha jappoġġaw attivament il-parteċipazzjoni, l-iżvilupp u l-progressjoni taż-żgħażagħ fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi, b'modi li huma rilevanti u applikabbli għas-suq tax-xogħol u li huma ta' valur għal u mfittxija mill-impjegaturi.

7.

L-organizzazzjoni, l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet sportivi fl-Ewropa huma tradizzjonalment ibbażati fuq l-impenn volontarju. Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2011 (5), kważi kwart ta' dawk li huma impenjati fil-volontarjat (24 %) huma attivi fil-qasam tal-isport. Ix-xogħol volontarju fl-isport, li huwa prinċipalment imwettaq fl-aktar livell bażiku u permezz tal-klabbs, hu ta' valur sinifikanti f'termini soċjali, ekonomiċi u demokratiċi.

8.

L-isport għandu appell universali u ma jagħraf l-ebda limitu kulturali jew soċjoekonomiku. Għandu personalità internazzjonali u jiġbed firxa wiesgħa u differenti ta' nies. Konsegwentement l-attivitajiet sportivi huma mezz eċċellenti għall-integrazzjoni ta' gruppi ta' minoranzi u dawk marġinalizzati. L-isport huwa ta' ispirazzjoni emozzjonali u jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikattiv għal sens ta' għaqda, billi jgħin iġib l-istabbiltà, il-koeżjoni u l-paċi lill-komunitajiet.

9.

Is-settur sportiv, inklużi l-attivitajiet volontarji fl-isport, jikkostitwixxu valur li jista' jitkejjel u ekonomikament u soċjalment sinifikanti fl-ekonomiji nazzjonali. Hemm evidenza dejjem tikber li l-isport jagħti kontribut sinifikanti lill-ekonomija tal-Ewropa u huwa mutur importanti għat-tkabbir u l-impjiegi, waqt li jiżgura wkoll l-koeżjoni soċjali u l-benessri, biex b'hekk jagħti kontribut distint għall-kisba tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 (6).

10.

Skont studju reċenti fl-UE kollha dwar it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE (7), is-sehem tal-valur miżjud marbut mal-isport fl-UE jammonta għal 1,76 % (8). Is-sehem tal-impjiegi marbuta mal-isport fl-UE hu ta' 2,12 %. Meta jitqiesu l-effetti multiplikaturi, is-sehem tal-isport saħansitra jitla' għal 2,98 % tal-valur miżjud gross globali fl-UE. Skont dak l-istudju s-sehem tal-isport fil-valur miżjud Ewropew għalhekk huwa komparabbli mas-sehem tas-setturi tal-agrikoltura, il-forestrija, u s-sajd kollha flimkien, b'Euro kull sittin iġġenerat u mdaħħal fl-UE marbut mal-isport.

11.

L-isport huwa settur reżiljenti tal-ekonomija. Il-livelli ta' parteċipazzjoni jibqgħu pjuttost stabbli fil-fażijiet differenti kollha taċ-ċiklu ekonomiku. L-isport huwa strutturat permezz ta' sistema ta' avvenimenti u attivitajiet sportivi, organizzati mill-organizzazzjonijiet tal-isport, mill-avvenimenti fl-aktar livelli bażiċi sa dawk tal-ogħla livell. Dawn l-avvenimenti jibqgħu popolari, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ, anke meta l-kondizzjonijiet ekonomiċi huma diffiċli. Filwaqt li l-avvenimenti sportivi jistgħu jiġu affettwati mill-kondizzjonijiet ekonomiċi li jvarjaw, il-qafas tal-avvenimenti sportivi u l-attivitajiet sportivi jibqa' stabbli.

12.

L-isport għandu l-potenzjal li joħloq l-impjiegi u li jappoġġa l-iżvilupp ekonomiku lokali permezz tal-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-faċilitajiet sportivi, l-organizzazzjoni tal-avvenimenti sportivi, l-attivitajiet tas-suq tal-prodotti u s-servizzi tal-industriji sportivi u l-attivitajiet relatati f'setturi oħrajn. L-infrastruttura marbuta mal-avvenimenti u l-attivitajiet sportivi (f'livell lokali), meta ppjanati bil-galbu b'għan multifunzjonali u b'viżjoni ċara tar-rwol funzjonali tagħha fil-futur, tista' tgħin biex tistabbilizza u tagħti spinta lill-ekonomija.

13.

L-isport għandu effetti konsekwenzjali fuq setturi oħrajn. L-avvenimenti u l-kampjonati sportivi ġeneralment għandhom effetti pożittivi fuq setturi bħat-turiżmu, il-kultura, it-trasport, il-mezzi tal-informazzjoni, l-infrastruttura pubblika eċċ. Huma għandhom ukoll il-kapaċità li jgħaqqdu lin-nies u joħolqu sens ta' appartenenza u sensazzjoni kondiviża ta' suċċess. Għalhekk l-isport jista' jagħti kontribut sostantiv biex jiġu ffaċilitati l-isforzi tal-UE biex tirkupra mid-diffikultajiet ekonomiċi li għaddejjin.

IV.   JENFASIZZAW IL-MESSAĠĠI TA' POLITIKA EWLENIN LI ĠEJJIN:

14.

Minħabba l-importanza tas-settur tal-isport għall-ekonomija u tal-possibbiltajiet li dan is-settur jipprovdi liż-żgħażagħ – inkluż għal dawk li huma partikolarment vulnerabbli u żvantaġġati – biex jiksbu ħiliet u għarfien siewja, l-isport jista' jkollu rwol importanti fl-indirizzar tal-problema urġenti tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u jagħti impetu lill-irkupru ekonomiku. Tinħtieġ firxa wiesgħa ta' azzjonijiet li tinvolvi l-mobilizzazzjoni ta' diversi partijiet interessati bħala reazzjoni għall-isfidi msemmija hawn fuq.

15.

L-impenn f'attivitajiet volontarji, filwaqt li mhux sostitut għall-impjieg imħallas, madankollu jista' jipprovdi liċ-ċittadini b'ħiliet ġodda, u b'hekk jikkontribwixxi pożittivament għall-kapaċità għall-impjieg tagħhom u t-tisħiħ tas-sens ta' appartenenza tagħhom għas-soċjetà. Il-parteċipazzjoni, b'mod partikolari fl-isport fl-aktar livelli bażiċi, miż-żgħażagħ – sew bħala parteċipant, faċilitatur, jew organizzatur – tiżviluppa ħiliet u kompetenzi personali ewlenin. L-attivitajiet volontarji fl-isport bħala forma ta' tagħlim mhux formali u informali jgħin liż-żgħażagħ jiksbu ħiliet u kompetenzi li jikkomplementaw l-edukazzjoni formali.

16.

L-isport jipprovdi ambjent li fi ħdanu ż-żgħażagħ jistgħu jirfinaw dawn il-ħiliet, u b'hekk itejbu l-kapaċità għall-impjieg u l-produttività futura, fi żmien meta l-kondizzjonijiet tas-suq tax-xogħol huma estremament diffiċli, l-opportunitajiet tax-xogħol skarsi, u l-opportunitajiet għall-iżvilupp ta' ħiliet fuq ix-xogħol limitati.

17.

L-involviment fl-isport, b'mod partikolari l-isport fl-aktar livelli bażiċi, jippermetti liż-żgħażagħ jidderieġu l-enerġiji, ix-xewqat u l-entużjażmu istintiv tagħhom b'mod li huwa kostruttiv u jikkontribwixxi għall-komunitajiet li fihom huma jgħixu. Jista' jgħin fil-ġlieda kontra l-problemi soċjali ffaċċjati fl-Istati Membri, bħall-frammentazzjoni soċjali u l-preġudizzju kontra gruppi speċifiċi, billi jipprovdi liż-żgħażagħ, b'mod partikolari dawk mingħajr impjiegi mħallsa jew opportunitajiet għal edukazzjoni u taħriġ rilevanti, b'fokus pożittiv, kostruttiv u bbażat fil-komunità.

18.

L-investiment fuq skala żgħira ta' flejjes pubbliċi f'faċilitajiet lokali tal-isport, u l-appoġġ għal klabbs tal-isport ibbażati fil-komunità, jista' jiġġenera benefiċċji sinifikanti f'termini ta' komunitajiet aktar b'saħħithom, aktar sikuri u aktar koeżivi.

19.

Il-parteċipazzjoni fl-organizzazzjoni ta' avvenimenti sportivi nazzjonali u internazzjonali u l-involviment fl-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-infrastruttura sportiva – kemm jekk lokali jew inkella nazzjonali – tista' tkun waħda mill-fatturi ewlenin għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, speċjalment għaż-żgħażagħ.

V.   B'REAZZJONI GĦALL-MESSAĠĠI TA' POLITIKA EWLENIN JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ BIEX:

20.

Jiskambjaw l-esperjenzi u l-prattiki tajbin dwar:

it-titjib tal-parteċipazzjoni fl-isport u s-soċjetà taż-żgħażagħ fil-livell lokali, speċjalment hekk kif iħallu l-istrutturi edukattivi formali;

kif l-involviment volontarju fil-klabbs u l-organizzazzjonijiet tal-isport jista' jsaħħaħ il-ħiliet u l-kompetenzi trasversali;

kif l-involviment f'attivitajiet sportivi jista' jagħmel komunitajiet aktar sikuri u aktar koeżivi;

l-organizzazzjoni ta' apprendistati u taħriġ intern f'organizzazzjonijiet tal-isport li jimmotivaw liż-żgħażagħ u jiffaċilitaw l-aċċess nazzjonali u transnazzjonali għas-suq tax-xogħol.

21.

Jippromwovu azzjonijiet ta' politika li għandhom l-għan li jiżviluppaw il-ħiliet għall-impjiegi permezz tal-isport. F'dan ir-rigward, jiġu appoġġati organizzazzjonijiet volontarji u/jew klabbs tal-isport, kif ukoll attivitajiet tal-isport u/jew avvenimenti – fl-aktar livell bażiku u/jew livell professjonali.

22.

Jesploraw modi sabiex jittejbu l-mogħdijiet għall-professjonisti u l-volontarji futuri fl-isport u jiġi promoss it-tagħlim fuq il-post tax-xogħol, sabiex jiġu żviluppati l-ħiliet li jistgħu jiġu rikonoxxuti fi ħdan oqfsa tal-kwalifiki nazzjonali. Dawn jistgħu jiġu referenzjati għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki sabiex tittejjeb it-trasparenza internazzjonali u l-mobbiltà taż-żgħażagħ ikkonċernati. Il-potenzjal għar-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba permezz ta' tagħlim informali u mhux formali fl-isport għandu wkoll jiġi esplorat.

23.

Jinkoraġġixxu investiment strateġiku fl-isport billi jintużaw, fejn adatt, il-possibbiltajiet ipprovduti mill-istrumenti ta' finanzjament tal-UE, inklużi l-fondi strutturali tal-UE (notevolment il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali) u l-għodda finanzjarji tal-UE bħalma hu l-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

24.

Jippromwovu kooperazzjoni interna effettiva fi ħdan l-awtoritajiet pubbliċi fost is-setturi li jittrattaw l-affarijiet soċjali, iż-żgħażagħ, l-impjiegi u kwistjonijiet ekonomiċi sabiex tiġi żgurata sensibilizzazzjoni akbar rigward ir-rwol soċjali u ekonomiku tal-isport.

VI.   JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FL-OQSMA TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ BIEX:

25.

Jippromwovu l-involviment transsettorjali mal-esperti tal-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u impjiegi bil-għan li jiġi esplorat l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi.

26.

Jieħdu vantaġġ sħiħ mill-Programm Erasmus+ bħala opportunità għall-iżvilupp ta' ħiliet u kompetenzi personali u professjonali.

27.

Jidentifikaw il-modi li bihom l-isport jista' jiġi ffinanzjat sabiex jippromwovi l-inklużjoni soċjali u l-impjieg taż-żgħażagħ permezz tal-fondi strutturali (notevolment il-Fond Soċjali Ewropew jew il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali) jew mekkaniżmi oħrajn ta' finanzjament tal-UE, bħalma hu l-finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment, speċjalment l-iżvilupp u, fejn hu xieraq, il-manutenzjoni tal-infrastruttura tal-isport fuq skala żgħira fi rħula u bliet għall-użu mill-pubbliku, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali liż-żoni li huma soċjalment imċaħħda. Tali infrastruttura fuq skala żgħira tista' tgħin biex jintlaħqu bosta għanijiet soċjali, bħall-ħolqien tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, u t-titjib tas-saħħa.

28.

Jsaħħu d-djalogu u l-inizjattivi komuni mal-partijiet interessati ewlenin, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet sportivi, l-industriji tal-prodotti sportivi u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ sabiex jiġi żviluppat aktar ambjent favorevoli biex iż-żgħażagħ jiġu attratti lejn is-settur tal-isport.

29.

Jirriflettu dwar kif il-kontribut tal-isport għall-iżvilupp tal-ħiliet taż-żgħażagħ u ż-żamma ta' komunitajiet soċjalment inklużivi fi żminijiet ta' qgħad għoli fost iż-żgħażagħ jistgħu jiġu indirizzati bl-aktar mod effettiv fil-kuntest ta' ħidma futura dwar l-isport fil-livell tal-UE.

VII.   B'REAZZJONI GĦALL-MESSAĠĠI TA' POLITIKA EWLENIN JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI BIEX:

30.

Torganizza seminar transsettorjali ta' livell għoli dwar il-kontribut tal-isport fil-ħolqien tal-impjiegi u għat-trattament tal-qgħad fl-UE, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ.

31.

Abbażi tal-kooperazzjoni li għaddejja tal-UE fil-livell ta' esperti, tħejji studju dwar il-kontribut tal-isport għall-kapaċità għall-impjieg taż-żgħażagħ fil-kuntest tal-istrateġija Ewropa 2020.


(1)  Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija aktar minn 50 % f'xi Stati Membri u aktar minn 70 % f'xi reġjuni, filwaqt li fi ftit reġjuni hija saħansitra anqas minn 5 %.

(2)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/3-30082013-AP/EN/3-30082013-AP-EN.PDF

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.

(4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (27-28 ta' Ġunju 2013) – EUCO 104/2/13 REV 2.

(5)  Special Eurobarometer on Volunteering and Intergenerational Solidarity (Ewrobarometru Speċjali dwar il-Volontarjat u s-Solidarjetà Interġenerazzjonali), Ottubru 2011.

(6)  Studju tal-Kummissjoni “Contribution of Sport to economic growth and employment in the EU” (2012).

(7)  Studju dwar il-kontribuzzjoni tal-isport għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE, ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea; Konsorzju mmexxi minn SportsEconAustria; Rapport finali, Novembru 2012.

(8)  Skont id-Definizzjoni tal-Isport ta' Vilnjus – definizzjoni wiesgħa: l-attivitajiet kollha li jeħtieġu l-isport bħala kontribut, flimkien mal-attivitajiet kollha li huma kontributi għall-isport, flimkien mad-definizzjoni statistika tal-isport kif definita fin-NACE 92.6 Rev.1.1.


4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/6


Abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar il-libertà u l-pluraliżmu tal-media fl-ambjent diġitali

2014/C 32/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FI ĦDAN IL-KUNSILL,

JINNOTA LI:

1.

il-libertà u l-pluraliżmu tal-media huma valuri fundamentali mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma pilastru essenzjali tad-demokrazija peress li l-media għandha rwol importanti biex tiżgura t-trasparenza u r-responsabbiltà u għandha impatt fuq l-opinjoni pubblika u fuq il-parteċipazzjoni u l-kontribut taċ-ċittadini fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

2.

ġew innutati numru ta' sfidi għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media matul dawn l-aħħar snin fl-Unjoni Ewropea. Dawn jinkludu kwistjonijiet sottolinjati minn kawżi fil-qorti, stħarriġ uffiċjali, rapporti mill-Parlament Ewropew u organizzazzjonijiet mhux governattivi, kif ukoll f'dibattiti parlamentari nazzjonali u Ewropej;

3.

it-trasparenza dwar lil min tappartjeni l-media u tas-sorsi ta' finanzjament hija essenzjali bil-ħsieb li jkunu garantiti l-libertà u l-pluraliżmu tal-media;

4.

l-assigurazzjoni tal-ħarsien tal-ġurnalisti minn influwenza mhux debita hija ta' importanza ewlenija sabiex tkun garantita l-libertà tal-media, li ssir aktar relevanti fi żminijiet ta' kriżi ekonomika u t-trasformazzjoni tas-settur tal-media;

5.

l-assigurazzjoni ta' ħarsien adegwat tas-sorsi ġurnalistiċi hija element ewlieni tal-libertà tal-media;

6.

id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, il-qafas regolatorju fi ħdan l-UE għas-servizzi tal-media awdjoviżiva, tikkontribwixxi għat-trawwim tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti tal-awdjoviżiv fl-Istati Membri għandhom rwol kruċjali fl-infurzar ta' dan il-qafas;

7.

il-Kummissjoni ffinanzjat għadd ta' studji, rapporti, proġetti u azzjonijiet ikkoordinati fil-qasam tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media;

8.

il-Kunsill tal-Ewropa jwettaq xogħol importanti ħafna fil-qasam tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media. F'dan ir-rigward, il-Memorandum ta' Fehim tal-2007 bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea jelenka l-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni fost il-prijoritajiet u l-oqsma ewlenin kondiviżi għall-kooperazzjoni bejn dawn l-organizzazzjonijiet;

9.

l-Internet jiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni u joffri liċ-ċittadini opportunitajiet ġodda għall-parteċipazzjoni, id-diskussjoni u l-formulazzjoni ta' opinjonijiet. Filwaqt li dan jikkontribwixxi għal-libertà tal-espressjoni u jsaħħaħ il-pluraliżmu tal-opinjonijiet, jinħolqu wkoll sfidi ġodda fir-rigward tal-mod kif in-nies ikollhom aċċess għall-informazzjoni u kif jivvalutawha. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-effetti negattivi possibbli kemm tal-konċentrazzjoni eċċessiva fis-settur kif ukoll tat-tisħiħ tal-pożiżżjonijiet ta' dawk li jikkontrollaw l-aċċess;

10.

bil-karattru globali tal-Internet mhuwiex possibbli li dawn il-kwistjonijiet jinżammu fi ħdan konfini definiti b'mod ġeografiku.

JAQBLU LI:

11.

livell għoli ta' indipendenza u pluraliżmu tal-media huwa essenzjali mhux biss għad-demokrazija, iżda jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku u tas-sostenibbiltà tiegħu;

12.

il-Kunsill tal-Ewropa għandu rwol importanti fl-istabbiliment ta' standards għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media u l-kooperazzjoni ma' dak il-korp għandha titkompla u tissaħħaħ aktar;

13.

l-informazzjoni dwar lil min jappartjeni stabbiliment tal-media partikolari u dwar entitajiet jew persuni oħrajn li jibbenefikaw minn tali appartenenza għandha tkun aċċessibbli faċilment għaċ-ċittadini sabiex ikunu jistgħu jagħmlu ġudizzju infurmat dwar l-informazzjoni pprovduta. F'dan il-kuntest, il-litteriżmu medjatiku għandu rwol importanti;

14.

il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-awtoritajiet regolatorji tal-awdjoviżiv u awtoritajiet kompetenti relevanti oħrajn jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-suq uniku tal-UE u għal xenarju tal-media miftuħ u pluralistiku;

15.

li jkunu assigurati livelli għoljin tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media huwa essenzjali għall-UE sabiex tkun kredibbli fin-negozjati ma' pajjiżi aderenti u fil-fora internazzjonali.

JILQGĦU:

16.

il-Green Paper tal-Kummissjoni – It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti b’Mod Komplet (1).

JIEĦDU NOTA TA':

17.

ir-rapporti indipendenti tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Libertà u l-Pluraliżmu tal-Media (2) u tal-Media Futures Forum (3).

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

18.

jassiguraw l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji tal-awdjoviżiv tagħhom;

19.

jieħdu miżuri adatti sabiex tinkiseb it-trasparenza ġenwina dwar lil min tappartjeni l-media;

20.

jieħdu miżuri adatti sabiex jissalvagwardjaw id-dritt tal-ġurnalisti biex iħarsu s-sorsi tagħhom u biex iħarsu lill-ġurnalisti minn influwenza mhux debita;

21.

jieħdu miżuri adatti, skont il-kuntest nazzjonali tagħhom, sabiex jiġu evitati effetti negattivi possibbli ta' konċentrazzjoni eċċessiva ta' lil min tappartjeni l-media.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI, FIL-KOMPETENZA TAGĦHA BIEX:

22.

tkompli tappoġġa proġetti li għandhom l-għan li jsaħħu l-ħarsien tal-ġurnalisti u tal-prattikanti tal-media;

23.

tkompli tappoġġa l-għodda ta' monitoraġġ indipendenti għall-valutazzjoni tar-riskji għall-pluraliżmu tal-media fl-UE (Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media), li hija implimentata mill-Istitut Universitarju Ewropew ta' Firenze, u tinkoraġġixxi aktar użu tagħha mill-Istati Membri u l-partijiet interessati relevanti kollha;

24.

issaħħaħ, permezz ta' azzjonijiet mhux leġislattivi (4), il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji tal-awdjoviżiv tal-Istati Membri u jiġu promossi l-aqwa prattiki fir-rigward tat-trasparenza dwar lil min tappartjeni l-media;

25.

tivvaluta l-effettività ta' dawn il-miżuri sabiex jiġi kkunsidrat kwalunkwe pass ieħor.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FI ĦDAN IL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

26.

jissalvagwardjaw, jippromwovu u japplikaw il-valuri mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u f'dan il-kuntest jindirizzaw l-isfidi għal-libertà u l-pluraliżmu tal-media madwar l-UE f'konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.


(1)  Dok. 8934/13 – COM(2013) 231 final.

(2)  http://ec.europa.eu/digital-agenda/sites/digital-agenda/files/HLG%20Final%20Report.pdf

(3)  http://ec.europa.eu/information_society/media_taskforce/doc/pluralism/forum/report.pdf

(4)  Il-Kummissjoni ma taqbilx mar-referenza għal “azzjonijiet mhux leġislattivi” u tippreferi kliem iktar ġenerali.


Il-Kummissjoni Ewropea

4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/8


Ir-rata tal-interessi applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' rifinanzjament (1):

0,25 % fl-1 ta’ Frar 2014

Rata tal-kambju tal-euro (2)

It-3 ta’ Frar 2014

2014/C 32/05

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3498

JPY

Yen Ġappuniż

137,82

DKK

Krona Daniża

7,4621

GBP

Lira Sterlina

0,82590

SEK

Krona Żvediża

8,8318

CHF

Frank Żvizzeru

1,2226

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,4525

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

27,527

HUF

Forint Ungeriż

311,76

LTL

Litas Litwan

3,4528

PLN

Zloty Pollakk

4,2242

RON

Leu Rumen

4,4938

TRY

Lira Turka

3,0533

AUD

Dollaru Awstraljan

1,5346

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4950

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,5609

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6643

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,7341

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 463,63

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

15,0135

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,1798

HRK

Kuna Kroata

7,6525

IDR

Rupiah Indoneżjan

16 521,49

MYR

Ringgit Malażjan

4,5519

PHP

Peso Filippin

61,267

RUB

Rouble Russu

47,4730

THB

Baht Tajlandiż

44,806

BRL

Real Brażiljan

3,2478

MXN

Peso Messikan

17,9892

INR

Rupi Indjan

84,3710


(1)  Rata applikata għall-operazzjoni l-iktar reċenti mwettqa qabel il-jum indikat. Fil-każ ta' sejħa għall-offerti b'rata varjabbli, ir-rata tal-interessi hija r-rata marġinali.

(2)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/9


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu, u proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar informazzjoni dwar min iħallas, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi

(It-test kollu ta’ din l-Opinjoni tista’ ssibu bl-EN, FR u DE fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2014/C 32/06

1.   Introduzzjoni

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fil-5 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti: waħda għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu (1) (“id-Direttiva proposta”), u waħda għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar informazzjoni dwar min iħallas, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (2) (“ir-Regolament propost”), minn hawn ’il quddiem imsejħin b’mod konġunt “il-Proposti”. Il-Proposti ntbagħtu lill-KEPD għal konsultazzjoni fit-12 ta’ Frar 2013.

2.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li huwa kkonsultat mill-Kummissjoni u li ġiet inkluża referenza għall-konsultazzjoni fil-preamboli tal-Proposti.

3.

Qabel l-adozzjoni tal-Proposti, il-KEPD ingħata l-possibbiltà li jipprovdi kummenti informali lill-Kummissjoni. Xi wħud minn dawn il-kummenti ġew ikkunsidrati.

1.2.   Objettii u ambitu tal-Proposti

4.

Il-ħasil tal-flus tfisser, b’mod ġenerali il-konverżjoni tar-rikavat ta’ attività kriminali f’fondi apparentement nodfa, ġeneralment permezz tas-sistema finanzjarja (3). Dan isir billi s-sorsi tal-flus jiġu moħbija, tinbidel il-forma tagħhom, jew il-fondi jittieħdu f’post fejn hemm inqas probabbiltà li jiġbdu l-attenzjoni. Il-finanzjament tat-terroriżmu huwa l-forniment jew il-ġbir ta’ fondi, bi kwalunkwe mezz, direttament jew indirettament, bl-intenzjoni li għandhom jintużaw jew bl-għarfien li għandhom jintużaw sabiex iwettqu reati terroristiċi (4).

5.

Fil-livell tal-UE, ġiet introdotta leġiżlazzjoni bil-għan li timpedixxi l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu mill-1991 ’il quddiem. Dawn ir-reati huma kkunsidrati bħala theddida għall-integrità u l-istabbiltà tas-settur finanzjarju u, b’mod aktar ġenerali, bħala theddida għas-Suq Intern. Il-bażi legali għall-Proposti huwa l-Artikolu 114 tat-TFUE.

6.

Ir-regoli tal-UE maħsuba biex jimpedixxu l-ħasil tal-flus huma fil-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati fuq standards adottati mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) (5). Il-Proposti jimmiraw lejn l-implimentazzjoni fl-UE tal-istandards internazzjonali riveduti kontra l-ħasil tal-flus introdotti mill-FATF fi Frar 2012. Id-direttiva attwali, dik li tissejjaħ it-Tielet Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus (AML) (6), ilha fis-seħħ mill-2005. Din tipprovdi qafas Ewropew madwar l-istandards internazzjonali tal-FATF.

7.

It-Tielet Direttiva AML tapplika għas-settur finanzjarju (istituzzjonijiet ta’ kreditu, istituzzjonijiet finanzjarji) kif ukoll għal professjonisti bħal avukati, nutara, kontabilisti, aġenti tal-proprjetà immobbli, każinojiet u fornituri ta’ servizzi ta’ kumpaniji. L-ambitu tagħha jkopri wkoll il-fornituri kollha ta’ merkanzija, meta l-ħlasijiet isiru fi flus kontanti għal iktar minn EUR 15 000. Dawn id-destinatarji kollha huma kkunsidrati bħala “entitajiet obbligati”. Id-Direttiva teħtieġ li dawn l-entitajiet obbligati jidentifikaw u jivverifikaw l-identità tal-klijenti (dik li tissejjaħ id-diliġenza dovuta mal-klijent “customer due diligence”, minn hawn ’il quddiem “CDD”) u tas-sidien benefiċjarji, u jimmonitorjaw it-transazzjonijiet finanzjarji tal-klijenti. Imbagħad tinkludi obbligi ta’ rappurtar ta’ suspetti ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIUs) rilevanti, kif ukoll obbligi oħra li jakkumpanjawhom. Id-Direttiva tintroduċi wkoll rekwiżiti u salvagwardji addizzjonali (bħar-rekwiżit li ssir diliġenza dovuta msaħħa mal-klijent) għal sitwazzjonijiet ta’ riskju akbar.

8.

Id-Direttiva proposta testendi l-ambitu tal-qafas attwali u timmira li ssaħħaħ dawn l-obbligi, pereżempju billi tinkludi fornituri ta’ servizzi tal-logħob u negozjanti fi prodotti fl-entitajiet obbligati, b’limitu ta’ EUR 7 500, teħtieġ informazzjoni estiża ta’ sjieda benefiċjarja, tillimita r-rekwiżiti dwar “persuni esposti politikament” u tintroduċi rekwiżiti għall-iskrutinju tal-familja u l-assoċjati mill-qrib tal-persuni esposti politikament kollha. Il-lista ta’ reati (7) marbutin mal-ħasil tal-flus ġiet estiża biex tinkludi delitti fiskali relatati mat-taxxi diretti u mat-taxxi indiretti.

9.

Ir-Regolament propost jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1781/2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament għat-Trasferimenti tal-Fondi”) li għandu l-għan li jtejjeb it-traċċabbiltà tal-pagamenti. Ir-Regolament għat-Trasferimenti tal-Fondi jikkumplimenta l-miżuri l-oħra tal-AML billi jiżgura li l-informazzjoni bażika dwar il-pagatur tat-trasferimenti tal-fondi tkun disponibbli immedjatament lill-awtoritajiet infurzar tal-liġi u/jew tal-prosekuzzjoni biex tgħinhom fid-detezzjoni, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni ta’ terroristi jew kriminali oħra u r-rintraċċar tal-assi ta’ terroristi.

4.   Konklużjonijiet

98.

Il-KEPD jirrikonoxxi l-importanza ta’ politiki kontra l-ħasil tal-flus għar-reputazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-Istati Membri. Madankollu, huwa jenfasizza li l-għan leġittimu li tinkiseb trasparenza tas-sorsi tal-pagamenti, id-depożiti tal-fondi u t-trasferimenti għall-iskop tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-ħasil tal-flus għandu jiġi segwit filwaqt li tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta.

99.

Il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jiġu indirizzati fiż-żewġ Proposti:

referenza espliċita għal-liġi tal-UE applikabbli tal-protezzjoni tad-dejta għandha tiddaħħal fiż-żewġ Proposti f’dispożizzjoni sostantiva u ddedikata, li ssemmi b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE u l-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE, u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 li jikkonċerna l-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE. Din id-dispożizzjoni għandha tiddikjara wkoll b’mod ċar li l-Proposti huma mingħajr preġudizzju għal-liġijiet applikabbli tal-protezzjoni tad-dejta. Ir-referenza fil-Premessa 33 għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 għandha tiġi mħassra;

definizzjoni ta’ “awtoritajiet kompetenti” u “FIUs” għandha tiġi inserita fid-Direttiva proposta. Din id-definizzjoni għandha tiggarantixxi li l-“awtoritajiet kompetenti” m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala “awtoritajiet kompetenti” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(h) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI.

għandu jiġi ċċarat fil-Premessa 32 li l-bażi legali għall-ipproċessar tkun il-ħtieġa li jkun hemm konformità ma’ obbligu legali mill-entitajiet obbligati, l-awtoritajiet kompetenti u l-FIUs (Artikolu 7(c) tad-Direttiva 95/46/KE);

għandu jitfakkar li l-uniku għan tal-ipproċessar għandu jkun il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u li d-dejta m’għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment għal skopijiet inkompatibbli;

il-projbizzjoni speċifika biex id-dejta tiġi pproċessata għal skopijiet kummerċjali, li attwalment hija msemmija fil-Premessa 31 tad-Direttiva proposta u l-Premessa 7 tar-Regolament propost, għandha tiġi stabbilita f’dispożizzjoni sostantiva;

għandha tiddaħħal premessa ddedikata biex tiċċara li l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa hija mdaħħla biss bħala reati marbutin;

rigward trasferimenti internazzjonali, għandhom jiddaħħlu dispożizzjonijiet sostantivi ddedikati dwar it-trasferimenti ta’ dejta personali, li jipprovdi bażi legali xierqa għat-trasferimenti intragrupp/bejn PSP u PSP li jirrispetta t-test u l-interpretazzjoni tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 95/46/KE, kif appoġġjat mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 tal-awtoritajiet Ewropej għall-protezzjoni tad-dejta. Il-KEPD jirrakkomanda li l-proporzjonalità li teħtieġ it-trasferiment tal-massa ta’ informazzjoni personali u sensittiva lejn pajjiżi barranin għall-iskop tal-ġlieda kontra AML/TF tiġi evalwata mill-ġdid u li jiġi ffavorit approċċ aktar proporzjonat;

rigward il-pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet, il-KEPD jirrakkomanda li jiġu evalwati għażliet alternattivi u inqas intrużivi għall-obbligu ġenerali tal-pubblikazzjoni u, fi kwalunkwe każ, li jiġi speċifikat fid-Direttiva proposta:

l-iskop ta’ pubblikazzjoni bħal din jekk kellha tinżamm;

id-dejta personali li għandha tiġi ppubblikata;

li s-suġġetti tad-dejta għandhom jiġu informati qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni u huma ggarantiti drittijiet biex jappellaw din id-deċiżjoni qabel issir il-pubblikazzjoni;

li s-suġġetti tad-dejta għandhom id-dritt li joġġezzjonaw skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46/KE fuq bażijiet leġittimi konvinċenti;

limitazzjonijiet addizzjonali relatati mal-pubblikazzjoni online;

rigward iż-żamma tad-dejta, għandha tiddaħħal dispożizzjoni sostantiva li tistabbilixxi perjodu ta’ żamma massimu li jrid jiġi rrispettat mill-Istati Membri, bl-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali.

100.

Fir-rigward tad-Direttiva proposta, il-KEPD jirrakkomanda wkoll li:

tiddaħħal dispożizzjoni speċifika li tfakkar il-prinċipju li s-suġġetti tad-dejta jingħataw informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom (skont l-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 95/46/KE) u li tispeċifika min se jkun responsabbli mill-informazzjoni ta’ dawn is-suġġetti tad-dejta;

jiġi rrispettat il-prinċipju tal-proporzjonalità meta jiġu llimitati d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta u, bħala konsegwenza, tiġi inserita dispożizzjoni speċifika li tispeċifika l-kundizzjonijiet li taħthom id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta jistgħu jiġu limitati;

jiġi ddikjarat b’mod ċar jekk valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa mill-awtorità maħtura u mill-entitajiet obbligati jistgħux jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta personali jew le. Jekk iva, id-Direttiva proposta għandha teħtieġ l-introduzzjoni tas-salvagwardji meħtieġa għall-protezzjoni tad-dejta;

tiddaħħal lista preċiża tal-informazzjoni li għandha jew m’għandhiex titqies fit-twettiq tad-Diliġenza Dovuta mal-Klijent. Jiġi ċċarat jekk id-dejta sensittiva fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46/KE għandhiex tinġabar għal dan l-iskop. Jekk tali pproċessar ikollu jkun meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan isir taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali u li jiġu pprovvduti salvagwardji speċifiċi xierqa skont il-liġi nazzjonali;

jiġi emendat l-Artikolu 21 biex jillimita b’mod aktar ċar is-sitwazzjonijiet fejn ir-riskji jkunu tant sostanzjali li jiġġustifikaw diliġenza dovuta msaħħa u biex jipprovdi salvagwardji proċedurali kontra l-abbuż;

jiġi emendat l-Artikolu 42 biex jinkludi referenza għall-kunfidenzjalità, li għandha tiġi rrispettata mill-impjegati kollha involuti fil-proċeduri CDD;

jiġu elenkati f’dispożizzjoni sostantiva t-tipi ta’ dejta ta’ identifikazzjoni li għandha tinġabar dwar is-sid benefiċjarju, anke meta ma jkun hemm l-ebda fiduċja involuta.

101.

Fir-rigward tar-Regolament propost, il-KEPD jirrakkomanda ulterjorment li:

ikun hemm trażżin biex ma jintużax in-numru tal-identità nazzjonali bħala referenza mingħajr restrizzjonijiet u/jew salvagwardji speċifiċi, iżda biex minflok jintuża n-numru ta’ transazzjoni;

titfakkar l-importanza tar-rispett tal-prinċipju tal-preċiżjoni tad-dejta, stabbilit fl-Artikolu 6(d) tad-Direttiva 95/46/KE, fil-kuntest ta’ proċeduri AML;

tiżdied dispożizzjoni li tispeċifika li “l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli biss għal persuni jew klassijiet ta’ persuni nominati biss”;

tiżdied dispożizzjoni dwar ir-rispett tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità u tal-protezzjoni tad-dejta mill-impjegati li jittrattaw informazzjoni personali dwar il-pagatur u l-benefiċjarju;

jiġi ċċarat fl-Artikolu 15 li ebda awtorità jew parti esterna oħra li m’għandhiex interess fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu ma jkollha aċċess għad-dejta maħżuna;

jiġi kkompletat l-Artikolu 21 billi jispeċifika għand liema awtorità għandu jiġi rrappurtat il-ksur tar-Regolament u billi jeħtieġ li l-miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa jiġu implimentati biex jipproteġu d-dejta kontra qerda aċċidentali jew illegali, telf aċċidentali, tibdil, jew żvelar illegali.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Lulju 2013.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2013) 45 finali.

(2)  COM(2013) 44 finali.

(3)  Ara l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva proposta.

(4)  Ara l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva proposta.

(5)  L-FATF hija l-aġenzija ewlenija li tistabbilixxi l-istandards għal miżuri għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, u (l-aktar reċentement) il-finanzjament tal-proliferazzjoni. Dan huwa korp intergovernattiv li għandu 36 membru, u bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 180 pajjiż. Il-Kummissjoni Ewropea hija waħda mill-membri fundaturi tal-FATF. 15-il Stat Membru tal-UE huma membri tal-FATF bi dritt proprju tagħhom.

(6)  Id-Direttiva 2005/60/KE tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(7)  Reat marbut huwa kwalunkwe reat kriminali li r-rikavat tiegħu jintuża biex isir reat ieħor: f’dan il-kuntest, pereżempju, attività kriminali marbuta mal-ħasil tal-flus tista’ tkun frodi, korruzzjoni, it-traffikar tad-droga u reati serji oħrajn.


4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/13


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar prekursuri tad-droga

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni huwa disponibbli bl-EN, FR u DE fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2014/C 32/07

I.   Introduzzjoni

I.1.   Kuntest tal-konsultazzjoni mal-KEPD

1.

Fil-21 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar prekursuri tad-droga (minn hawn ’il quddiem: “il-Proposta”) (1). Il-Proposta ntbagħtet lill-KEPD għall-konsultazzjoni fl-istess jum.

2.

Il-Proposta tinkludi t-test tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar prekursuri tad-droga (minn hawn ’il quddiem: “il-Ftehim”) (2). L-Anness II għall-Ftehim fih lista ta’ definizzjonijiet u prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta (minn hawn ’il quddiem: “prinċipji ta’ protezzjoni tad-dejta”) (3).

3.

Il-KEPD kien ġie kkonsultat qabel mill-Kummissjoni. Din l-Opinjoni tibbaża fuq il-parir ipprovdut dakinhar u fuq l-Opinjoni tal-KEPD dwar l-emendi għar-Regolament dwar il-kummerċ intern u estern tal-UE fil-prekursuri tad-droga (4).

I.2.   Għan tal-Ftehim

4.

Il-ftehim għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar il-prevenzjoni ta’ diverżjoni mill-kummerċ leġittimu tas-sustanzi użati biex jiġu manifatturati b’mod illeċitu drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi (minn hawn ’il quddiem: “prekursuri tad-droga”).

5.

Fuq il-bażi tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1988 Kontra t-Traffikar Illeċitu ta’ Drogi u Sustanzi Psikotropiċi (minn hawn ’il quddiem “il-Konvenzjoni tal-1988”) (5), il-ftehim jippermetti l-koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ kontroll tal-kummerċ u għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet (l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa), flimkien ma’ kooperazzjoni teknika u xjentifika u l-istabbiliment ta’ Grupp Konġunt ta’ esperti ta’ Segwitu.

IV.   Konklużjonijiet

35.

Il-KEDP jilqa’ d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fit-test tal-ftehim u l-inklużjoni fl-Anness tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta li għandhom jiġu rrispettati mill-Partijiet.

36.

Il-KEPD jissuġġerixxi li tiġi inkluża referenza espliċita għall-applikabbiltà tal-liġijiet nazzjonali tal-UE li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE għat-trasferimenti ta’ dejta personali mill-UE lill-awtoritajiet Russi u għall-ipproċessar ta’ dejta personali mill-awtoritajiet tal-UE. Huwa jissuġġerixxi wkoll li jiġu inklużi referenzi għall-Artikoli 7 u 8 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

37.

Huwa jirrakkomanda wkoll li fl-Artikoli 3(2) u 4(1) u 5(3) jiġu speċifikati l-kategoriji kollha ta’ dejta personali li jistgħu jiġu skambjati. Barra minn hekk, salvagwardji addizzjonali, bħal perjodi iqsar ta’ żamma u miżuri aktar stretti ta’ sigurtà għandhom ikunu inklużi fil-ftehim jew fl-Anness II għad-dejta relatata ma’ tranżazzjonijiet suspettużi. Il-finijiet l-oħrajn li għalihom id-dejta tista’ tkun ipproċessata skont l-Artikolu 5(3) għandhom ikunu ddikjarati b’mod espliċitu fil-ftehim u għandhom ikunu kompatibbli mal-għan oriġinali li għalih id-dejta tkun ġiet trasferita.

38.

Il-KEPD jilqa’ wkoll il-projbizzjoni fuq iż-żamma ta’ dejta għal aktar minn kemm meħtieġ fl-Artikolu 5(2) tal-Ftehim, iżda huwa jirrakkomanda li mill-inqas jiġu speċifikati perjodi ta’ żamma massimi.

39.

Il-KEPD jilqa’ l-inklużjoni tal-prinċipji ta’ protezzjoni ta’ dejta obbligatorja. Madankollu, huwa jirrakkomanda li dawn jitkomplew kif ġej:

jiżdiedu d-dispożizzjonijiet dwar is-“sigurtà tad-dejta” u r-rekwiżiti speċifiċi għall-ipproċessar ta’ “dejta sensittiva”;

jiġu speċifikati l-proċeduri biex isiru effettivi l-prinċipji ta’ “trasparenza” u d-“drittijiet tal-aċċess, ir-rettifika, it-tħassir u l-imblukkar ta’ dejta” fit-test tal-ftehim jew fl-Anness;

rigward it-“trasferimenti ’l quddiem”, għandu jiżdied li l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet m’għandhomx jittrasferixxu dejta personali lil destinatarji nazzjonali oħrajn sakemm id-destinatarju ma jipprovdix protezzjoni adegwata u għall-finijiet li għalihom id-dejta tkun intbagħtet.

rigward il-prinċipju ta’ “rimedju”, għandu jkun speċifikat li t-terminu “awtoritajiet kompetenti”, użat fil-bqija tal-ftehim f’kuntest differenti, hawnhekk jirreferi għal awtoritajiet kompetenti għall-protezzjoni ta’ dejta personali u għas-sorveljanza tal-ipproċessar tagħha;

l-awtoritajiet rilevanti u l-informazzjoni prattika dwar ir-rimedji eżistenti għandhom jissemmew fil-ftehim jew għall-inqas f’ittri skambjati bejn il-partijiet jew f’dokumenti li jakkumpanjaw lill-ftehim;

rigward il-prinċipju dwar “l-eċċezzjonijiet għad-drittjiet tat-trasparenza u l-aċċess dirett”: għandu jkun speċifikat li, f’każijiet fejn id-dritt tal-aċċess ma jkunx jista’ jingħata lis-suġġetti tad-dejta, għandu jiġu pprovdut l-aċċess indirett mingħand l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta.

41.

Għandu jkun speċifikat ukoll li l-awtoritajiet li jissorveljaw il-protezzjoni tad-dejta tal-Partijiet għandhom konġuntament jirrevedu l-implimentazzjoni tal-ftehim, jew fil-kuntest tal-grupp konġunt ta’ esperti ta’ segwitu, jew bħala proċess separat. Barra minn hekk, jekk l-indipendenza tal-awtorità superviżorja rilevanti Russa ma tkunx stabbilita biżżejjed, għandu jkun speċifikat li l-awtoritajiet nazzjonali tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta għandhom ikunu involuti fis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-ftehim mill-awtoritajiet Russi. Ir-riżultati tar-reviżjoni għandhom ikunu rrapportati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fejn ikun meħtieġ u bir-rispett sħiħ tal-kunfidenzjalità.

42.

Il-KEPD jirrakkomanda wkoll li jitkompla l-Artikolu 12 tal-ftehim bi klawsola li tippermetti lil kull Parti tissospendi jew ittemm il-ftehim f’każ ta’ ksur tal-obbligi mill-Parti l-oħra taħt il-ftehim, inkluż f’dak li jirrigwarda l-konformità mal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2013.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2013) 4 finali.

(2)  Anness għall-Proposta.

(3)  Anness II għall-Ftehim.

(4)  Opinjoni tal-KEPD tat-18 ta’ Jannar 2013 dwar il-Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 273/2004 dwar prekursuri tad-droga u l-Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 jistabblixxi regoli għall-monitoraġġ tal-kummerċ tal-prekursuri tad-droga bejn il-Komunità u pajjiżi terzi, b’mod partikolari p. 9-10, disponibbli fuq http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2013/13-01-18_Drug_precursors_EN.pdf

(5)  Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fid-Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi, adottata fi Vjenna fid-19 ta’ Diċembru 1988 (United Nations Convention against Illicit Traffic in Narcotic Drugs and Psychotropic Substances), disponibbli fuq http://www.unodc.org/pdf/convention_1988_en.pdf


4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/15


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill imsejħa “Tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi fl-UE: il-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (EIXM)”

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni huwa disponibbli bl-EN, FR u DE fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2014/C 32/08

1.   Introduzzjoni

1.1.   Konsultazzjoni mal-KEPD

1.

Fis-7 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni msejħa “Tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-infurzar tal-liġi fl-UE: il-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (EIXM)” (minn hawn ’il quddiem: “il-Komunikazzjoni”) (1). Fl-istess jum il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/JHA tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati transkonfinali (id-“Deċiżjoni Prüm”) (2). Mhumiex sejrin isiru kummenti separati dwar dan ir-rapport f’din l-opinjoni, iżda qed jissemma hawnhekk sabiex il-kuntest jinftiehem aħjar.

2.

Qabel l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni, il-KEPD ingħata l-opportunità li jipprovdi kummenti informali. Il-KEPD huwa sodisfatt li xi wħud mill-kummenti tiegħu ġew ikkunsidrati fil-Komunikazzjoni.

1.2.   Sfond u għanijiet tal-Komunikazzjoni

3.

Il-Programm ta’ Stokkolma (3) għandu l-għan li jilqa’ l-isfidi futuri u jkompli jsaħħaħ il-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja b’azzjonijiet li jiffukaw fuq l-interessi u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini. Huwa jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni għall-perjodu ta’ bejn l-2010 u l-2014 u jiddefinixxi linji gwida strateġiċi għall-ippjanar leġiżlattiv u operattiv fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja skont l-Artikolu 68 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) (4).

4.

B’mod partikolari, il-Programm ta’ Stokkolma jagħraf il-ħtieġa ta’ koerenza u konsolidazzjoni fl-iżvilupp tal-ġestjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fil-qasam tas-sigurtà interna tal-UE u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jimplimentaw l-Istrateġija ta’ Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-sigurtà interna tal-UE, li tinkludi reġim b’saħħtu għall-protezzjoni tad-dejta. F’dan il-kuntest, il-Programm ta’ Stokkolma jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-ħtieġa ta’ Mudell Ewropew għall-Iskambju ta’ Informazzjoni (EIXM) ibbażata fuq l-evalwazzjoni tal-istrumenti attwali fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni fl-UE. Din il-valutazzjoni għandha tgħin sabiex jiġi stabbilit jekk dawn l-istrumenti jiffunzjonawx kif kien maħsub oriġinarjament u jilħqux il-miri tal-Istrateġija għall-Ġestjoni tal-Informazzjoni (5).

5.

Wara l-Programm ta’ Stokkolma, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni f’Lulju 2010 (6) (minn hawn ’il quddiem “Il-Komunikazzjoni tal-2010”) li tipprovdi ħarsa ġenerali sħiħa fuq il-miżuri fil-livell tal-UE fis-seħħ, dawk li qegħdin jiġu implimentati u dawk ikkunsidrati, li jirregolaw il-ġbir, il-ħażna jew l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni personali għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u l-ġestjoni tal-migrazzjoni.

6.

Bi tweġiba għall-istedina tal-Programm ta’ Stokkolma u filwaqt li tibni fuq il-Komunikazzjoni tal-2010, din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li twieżen kif jaħdem l-iskambju ta’ informazzjoni transkonfinali fl-UE fil-prattika u li tirrakkomanda titjib possibbli.

3.   Konklużjonijiet

37.

Il-KEPD japprezza l-attenzjoni ġenerali mogħtija lill-protezzjoni tad-dejta fil-Komunikazzjoni li tenfasizza l-ħtieġa li tiġi assigurata kwalità ta’ dejta, sigurtà tad-dejta u protezzjoni tad-dejta ta’ livell għoli u tfakkar li tkun xi tkun il-kumbinazzjoni jew is-sekwenza użata għall-iskambju tal-informazzjoni, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, is-sigurtà tad-dejta u l-kwalità tad-dejta kif ukoll l-għan li għalih jistgħu jintużaw l-istrumenti għandhom ikunu rrispettati.

38.

Barra minn hekk il-KEPD:

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Komunikazzjoni tikkonkludi li la huma meħtieġa databases ġodda tal-infurzar tal-liġi fil-livell tal-UE u lanqas strumenti ġodda ta’ skambju ta’ informazzjoni;

jenfasizza l-ħtieġa għal proċess ta’ valutazzjoni sħiħa tal-istrumenti u l-inizjattivi fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, li l-eżitu tagħha għandu jwassal għal politika tal-UE li tkun komprensiva, integrata u strutturata tajjeb dwar il-ġestjoni tal-informazzjoni u tal-iskambju u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel valutazzjoni ta’ strumenti eżistenti oħrajn;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tirrifletti fuq (i) l-effikaċja tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta fid-dawl tal-bidliet teknoloġiċi, l-iżviluppi marbuta ma’ sistemi tal-IT fuq skala kbira u l-użu dejjem akbar ta’ dejta li inizjalment tkun inġabret għal għanijiet li mhumiex marbuta mal-ġlieda kontra l-kriminalità, kif ukoll fuq (ii) l-effikaċja għas-sigurtà pubblika tat-tendenza attwali ta’ monitoraġġ mifrux, sistematiku u proattiv ta’ individwi mhux suspetti u l-utilità reali tiegħu fil-ġlieda kontra r-reati; l-eżitu ta’ dawn ir-riflessjonijiet għandu jwassal għal politika tal-UE komprensiva, integrata u strutturata tajjeb dwar il-ġestjoni tal-informazzjoni u tal-iskambju f’dan il-qasam;

jenfasizza li d-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-proposta għal Direttiva m’għandhomx iwaqqfu lill-Kummissjoni milli tagħmel inventarju tal-problemi u tar-riskji marbuta mal-protezzjoni tad-dejta, u tat-titjib possibbli fil-kuntest legali attwali, u jirrakkomanda li dawn id-diskussjonijiet jintużaw b’mod partikolari fid-distinzjoni bejn l-ipproċessar ta’ dejta ta’ persuni suspettati u mhux suspettati għal aktar żvilupp tal-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta’ Informazzjoni;

jaqbel bis-sħiħ mal-ħtieġa li ssir reviżjoni tal-istrumenti eżistenti sabiex jiġu allinjati mad-Direttiva proposta u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu aktar azzjoni;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħmel valutazzjoni tal-istrumenti eżistenti tul u wara l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom;

jirrakkomanda li l-gwida li l-Kunsill huwa mistieden li jagħti fir-rigward tal-għażla ta’ mezz tqis il-konsegwenzi f’termini ta’ limitazzjoni u responsabbiltajiet tal-għan;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiġġustifika b’mod aktar ċar l-għażla tal-mezz tal-Europol li juża l-għodod SIENA bħala mezz prestabbilit u sabiex tivvaluta jekk din l-għażla hijiex konformi mal-prinċipju tal-privatezza fid-disinn;

jinnota b’sodisfazzjoni li l-Komunikazzjoni tfakkar li l-informazzjoni tista’ attwalment tiġi skambjata u użata fejn ikun permess mil-liġi, li jinkludi konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-dejta, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tibda taħdem fuq kundizzjonijiet armonizzati għall-Punti ta’ Kuntatt Waħdieni, sabiex tassigura li r-rekwiżiti jkunu simili fl-Istati Membri kollha u jipproteġu lill-individwi b’mod effettiv;

jirrakkomanda li jkun inkluż it-taħriġ dwar is-sigurtà tal-informazzjoni u l-protezzjoni tad-dejta fl-Iskema prevista mill-Kummissjoni kif ukoll fit-taħriġ li l-Istati Membri huma mistiedna jassiguraw.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2013.

Peter HUSTINX

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2012) 735 finali.

(2)  COM(2012) 732 finali

(3)  Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, Dokument tal-Kunsill 5731/10, 3.3.2010.

(4)  Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, (ĠU C 83, 30.3.2010, p. 47).

(5)  Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini, Dokument tal-Kunsill 5731/10, 3.3.2010, taqsima 4.2.2.

(6)  Komunikazzjoni tal-20 ta’ Lulju 2010 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill imsemmija “Ħarsa ġenerali lejn il-ġestjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja”, COM(2010) 385 finali.


4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/17


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-proposta emendata tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezz ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u s-sehem tagħhom fl-ambitu ta’ sistemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jista’ jinstab bl-EN, FR & DE fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2014/C 32/09

1.   Id-Daħla

1.1.   Il-konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fit-18 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni adottat proposta emendata dwar id-Direttiva dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezz ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u s-sehem tagħhom fil-pjan ta’ sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali (id-Direttiva proposta) (1). Din il-proposta ntbagħtet lill-KEPD għall-konsultazzjoni fid-19 ta’ Marzu 2013.

2.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li huwa kkonsultat mill-Kummissjoni u li referenza għal din l-Opinjoni ġiet inkluża fil-preambolu tal-istrument. Il-KEPD madankollu jinnota b’dispjaċir li ma kienx ikkonsultat mill-Kummissjoni matul il-preparazzjoni jew għall-anqas wara l-adozzjoni tal-proposta oriġinali mill-1 ta’ Marzu 2012 (2).

1.2.   L-objettivi u l-ambitu tal-proposta

3.

Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għad-Direttiva proposta, il-Kummissjoni tiddikjara li l-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni tas-sistema tal-kura tas-saħħa tagħhom u għat-twassil ta’ servizzi tas-saħħa u ta’ kura medika, inkluża l-allokazzjoni tar-riżorsi assenjati lilhom. F’dan il-qafas, kull Stat Membru jista’ jieħu miżuri biex jamministra l-konsum tal-mediċini, jirregola l-prezzijiet tagħhom jew jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-finanzjament pubbliku tagħhom. Prodott mediċinali awtorizzat skont il-leġiżlazzjoni tal-UE abbażi tal-profil ta’ kwalità, ta’ sigurtà u ta’ effikaċja tiegħu jista’ għalhekk ikun suġġett għal rekwiżiti regolatorji addizzjonali fil-livell ta’ Stat Membru qabel ma jkun jista’ jiġi kkummerċjalizzat jew jitqassam lill-pazjenti bl-iskema tal-assigurazzjoni tas-saħħa pubblika.

4.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tispjega li d-Direttiva 89/105/KEE (3) ġiet adottata sabiex l-operaturi tas-suq ikunu jistgħu jivverifikaw li l-miżuri nazzjonali li jirregolaw l-ipprezzar u r-rimborż tal-mediċini ma jiksrux il-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija. Għal dan l-għan, id-Direttiva 89/105/KEE tistabbilixxi serje ta’ rekwiżiti proċedurali li jiżguraw it-trasparenza tal-miżuri ta’ pprezzar u ta' rimburżar adottati mill-Istati Membri. Sa mill-adozzjoni ta’ din id-direttiva l-kundizzjonijiet tas-suq inbidlu b’mod fundamentali, pereżempju bil-ħolqien ta’ mediċini ġeneriċi li jipprovdu verżjonijiet irħas ta’ prodotti eżistenti jew bl-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali dejjem aktar innovattivi (għalkemm ħafna drabi għoljin) ibbażati fuq ir-riċerka. B’mod parallel, iż-żieda kostanti fin-nefqa pubblika fuq il-farmaċewtiċi, fl-aħħar deċennji ħeġġet lill-Istati Membri biex matul iż-żmien ifasslu sistemi aktar kumplessi u innovattivi ta’ pprezzar u ta' rimburżar.

5.

Il-proposta għal Direttiva li tħassar id-Direttiva 89/105/KEE ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Marzu 2012. Il-Kummissjoni tiddikjara li negozjati fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Farmaċewtika u t-Tagħmir Mediku kienu diffiċli, minħabba n-natura politikament sensittiva tal-fajl.

6.

Il-Parlament Ewropew adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari nhar is-6 ta’ Frar 2013. B’riżultat tal-votazzjoni fis-Sessjoni Plenarja u filwaqt li qieset il-pożizzjoni tal-Istati Membri fil-Kunsill, il-Kummissjoni ddeċidiet li temenda l-proposta tagħha billi tadotta d-Direttiva proposta u tikkonsulta lill-KEPD.

1.3.   L-Għanijiet tal-Opinjoni tal-KEPD

7.

Din l-Opinjoni sejra tiffoka fuq l-aspetti li ġejjin tad-Direttiva proposta dwar il-protezzjoni tad-dejta personali: l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta, il-pubblikazzjoni tad-dejta personali ta’ esperti u l-membri ta’ ċerti korpi, l-ipproċessar potenzjali ta’ dejta tas-saħħa tal-pazjent permezz tal-aċċess għad-data tal-awtorizzazzjoni tas-suq u l-opportunità proposta għall-ħolqien ta’ databases fil-livell tal-UE/Stat Membru.

3.   Il-Konklużjonijiet

Il-KEPD jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

jiddaħħlu referenzi għal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-protezzjoni tad-dejta f’Artikolu sostaniv tad-Direttiva proposta. Tali referenza għandha tipprovdi bħala regola ġenerali li d-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandhom japplikaw għall-ipproċessar ta’ dejta personali fil-qafas tad-Direttiva proposta. Barra minn hekk, il-KEPD jissuġġerixxi li r-referenza għad-Direttiva 95/46/KE għandha tispeċifika li d-dispożizzjonijiet sejrin japplikaw skont ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/45/KE;

issir valutazzjoni tal-ħtieġa tas-sistema proposta fl-Artikolu 16 tad-Direttiva proposta għall-pubblikazzjoni mandatorja ta’ ismijiet u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess ta’ esperti, membri tal-korpi deċiżjonali u membri ta’ korpi responsabbli għall-proċeduri ta’ rimedju u jiġi vverifikat jekk l-obbligu ta’ pubblikazzjoni ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ interess ġenerali mfittex, u jekk hemmx miżuri inqas restrittivi sabiex jintlaħaq l-istess objettiv. Suġġett għall-eżitu ta’ dan it-test ta’ proporzjonalità, l-obbligu tal-pubblikazzjoni għandu fi kwalunkwe każ jiġi appoġġjat minn salvagwardji adegwati sabiex jiġu żgurati r-rispett tad-drittijiet tal-persuni kkonċernati li joġġezzjonaw, is-sigurtà/l-eżattezza tad-dejta u t-tħassir tagħhom wara perjodu adegwat ta’ żmien;

tiddaħħal referenza għall-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE fl-Artiklu 13 tad-Direttiva proposta dwar l-aċċess għad-dejta ta’ awtorizzazzjoni tas-suq, jekk id-dejta personali dwar is-saħħa hija maħsuba biex tiġi pproċessata u tiddaħħal dispożizzjoni fid-Direttiva proposta li tiddefinixxi b’mod ċar liema sitwazzjoni u suġġetti għal dak li jħares it-tagħrif li jinkludi dejta tas-saħħa tal-pazjent sejra tiġi pproċessata;

jiġi inkluż fl-Artikolu 13 tad-Direttiva proposta rekwiżit biex janonimizza b’mod sħiħ kwalunkwe dejta tal-pazjent inkluża fid-dejta tal-awtorizzazzjoni tas-suq qabel din id-data hija trasferita lill-awtorità kompetenti għal kwalunkwe pproċessar ulterjuri għal skopijiet ta’ deċiżjonijet dwar l-ipprezzar u r-rimburżar;

titwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-dejta bil-quddiem, qabel issir kwalunwe azzjoni ulterjuri bil-ħsieb tat-tnedija ta’ kwalunkwe database ġdida.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Mejju 2013.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2013) 168 finali/2.

(2)  COM(2012) 84 finali.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezz ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-persuna u s-sehem tagħhom fil-pjan ta’ sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali (ĠU L 40, 11.2.1989, p. 8).


4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/19


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar “Strateġija għaċ-Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Spazju Ċibernetiku Miftuħ, Sikur u Mingħajr Periklu”, u dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar miżuri biex jiġi żgurat livell komuni għoli tas-sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fl-Unjoni kollha

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni jinstab bl-EN, FR u DE fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2014/C 32/10

1.   Introduzzjoni

1.1.   Konsulatazzjoni tal-KEPD

1.

Fis-7 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà adottaw Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Strateġija ta’ Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Spazju Ċibernetiku Miftuħ, Sikur u Bla Periklu” (1) (minn hawn ’il quddiem “Il-Kommunikazzjoni Konġunta”, “l-Istrateġija dwar iċ-Ċibersigurtà” jew “l-Istrateġija”).

2.

Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri biex jiġi żgurat livell komuni għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni fl-Unjoni (2) kollha (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva proposta” jew “il-Proposta”). Din il-Proposta ntbagħtet lill-KEPD għal konsulatazzjoni fis-7 ta’ Frar 2013.

3.

Qabel l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni Konġunta u tal-Proposta, il-KEPD ingħata l-possibbiltà li jagħti kummenti informali lill-Kummissjoni. Huwa jinsab kuntent li xi wħud mill-kummenti tiegħu ġew ikkunsidrati fil-Komunikazzjoni Konġunta u fil-Proposta.

4.   Konklużjonijiet

74.

Il-KEPD jinsab kuntent li l-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ressqu Strateġija komprensiva dwar iċ-Ċibersigurtà kkumplimentata minn proposta għal Direttiva dwar il-miżuri biex jiġi żgurat livell komuni għoli ta’ sigurtà tan-netwerks u l-informazzjoni (NIS) fl-UE kollha. L-Istrateġija tikkumplimenta l-azzjonijiet ta’ politika li diġà ġew żviluppati mill-UE fil-qasam tas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni.

75.

Il-KEPD jinsab kuntent li l-Istrateġija tmur lil hinn mill-approċċ tradizzjonali fejn is-sigurtà tmur kontra l-privatezza billi jiġi previst l-għarfien espliċitu tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta bħala valuri ewlenin li għandhom jiggwidaw il-politika dwar iċ-ċibersigurtà fil-livell tal-UE u dak internazzjonali. Il-KEPD jinnota li l-Istrateġija ta’ Ċibersigurtà u d-Direttiva proposta dwar in-NIS jista’ jkollhom rwol fundamentali biex tikkontribwixxi għall-iżgurar tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-individiwi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta fl-ambjent online. Fl-istess ħin, għandu jiġi żgurat li dawn ma jwasslux għal miżuri li jikkostitwixxu interferenzi illegali fid-drittijiet tal-individwi għall-privatezza u l-protezzjoni d-dejta.

76.

Il-KEPD jilqa’ wkoll bi pjaċir il-fatt li l-protezzjoni tad-dejta tissemma f’diversi partijiet tal-Istrateġija u titqies ukoll fid-Direttiva proposta dwar l-NIS. Madankollu, huwa jiddispjaċih li l-Istrateġija u d-Direttiva proposta ma jenfassizzawx b’mod aħjar il-kontribut tal-liġi eżistenti u futura dwar il-protezzjoni tad-dejta għas-sigurtà, u jonqsu milli jassiguraw b’mod sħiħ li kwalunkwe obbligu li jirriżulta mid-Direttiva proposta jew elementi oħra tal-Istrateġija jikkumplimenta l-obbligi ta’ protezzjoni tad-dejta u li dawn la jidħlu fuq xulxin u lanqas ma jmorru kontra xulxin.

77.

Barra minn hekk, il-KEPD jinnota li billi naqset li tikkunsidra bis-sħuħ inizjattivi paralleli oħrajn tal-Kummissjoni u l-proċeduri leġiżlattivi li jinsabu għaddejjin, bħar-Riforma tal-Protezzjoni tad-Dejta u r-Regolament propost dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji, l-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tonqos milli tagħti perspettiva verament komprensiva u olistika taċ-ċibersigurtà fl-UE, u minħabba f’hekk hemm riskju li jinħoloq approċċ frammentat u kompartimentalizzat. Il-KEPD jinnota wkoll li d-Direttiva proposta dwar l-NIS għadha ma tippermettix approċċ komprensiv tas-sigurtà fl-UE lanqas, u li l-obbligu stabbilit minn qabel fil-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta huwa probabbilment l-obbligu l-aktar komprensiv għan-netwerks u s-sigurtà skont il-liġi tal-UE

78.

Il-KEPD jiddispjaċih ukoll li r-rwol importanti tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-obbligi tas-sigurtà u fit-tisħiħ taċ-ċibersigurtà lanqas ma huwa kkunsidrat b’mod xieraq.

79.

Bħal fil-każ tal-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà, il-KEPD jenfasizza li:

Definizzjoni ċara tat-termini “ċiberreżistenza”, “ċiberkriminalità” u “ċiberdifiża” huma partikolarment importanti peress li dawn it-termini jintużaw bħala ġustifikazzjoni għal ċerti miżuri speċjali li jistgħu jikkawżaw interferenza fid-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta. Madankollu, id-definizzjonijiet ta’ “ċiberkriminalità” mogħtija fl-Istrateġija u fil-Konvenjoni dwar iċ-Ċiberkriminalità jibqgħu vagi ħafna. Ikun rakkomandabbli li jkun hemm definizzjoni ċara u restrittiva taċ-“ċiberkriminalità” aktar milli waħda vaga ħafna;

Għandha tapplika liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta għall-azzjonijiet kollha tal-Istrateġija kull meta dawn ikunu jikkonċernaw miżuri li jinvolvu l-ipproċessar tad-dejta personali. Għalkemm il-liġi tal-protezzjoni tad-dejta ma tissemmiex speċifikament fit-taqsimiet relatati maċ-ċiberkriminalità u ċ-ċiberdifiża, il-KEPD jenfasizza li ħafna mill-azzjonijiet ippjanati f’dawn l-oqsma jinvolvu l-ipproċessar tad-dejta personali u għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta. Huwa jinnota wkoll li ħafna azzjonijiet jikkonsistu fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni, li sejrin jeħtieġu l-implimentazzjoni ta’ salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-dejta dwar il-modalitajiet għall-iskambju tad-dejta personali;

L-Awtoritajiet tal-Protezzjoni tad-Dejta (DPAs) għandhom rwol importanti fil-kuntest taċ-Ċibersigurtà. Bħala għassiesa tad-drittijiet tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta tal-individwi, id-DPAs huma impenjati b’mod attiv fil-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom, kemm fuq l-internet kif ukoll fid-dinja reali. Għalhekk dawn għandhom ikunu involuti b’mod xieraq fil-kapaċità tagħhom ta’ korpi superviżorji fir-rigward ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni li jinvolvu l-ipproċessar tad-dejta personali (bħat-tnedija tal-proġett pilota tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-botnets u l-malware). Atturi oħra fil-qasam taċ-ċibersigurtà għandhom ukoll jikkooperaw magħhom fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, pereżempju fl-iskambju tal-aħjar prattiki u l-azzjonijiet ta’ tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni. Il-KEPD u d-DPAs nazzjonali għandhom ikunu involuti b’mod xieraq fil-konferenzi ta’ livell għoli li sejrin jiġu organizzati fl-2014 biex jiġi vvalutat il-progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija.

80.

Fir-rigward tad-Direttiva proposta dwar l-NIS, il-KEPD jagħti parir lil-leġiżlaturi biex:

Jipprovdu aktar ċarezza u ċertezza fl-Artikolu 3(8) dwar id-definizzjoni tal-operaturi tas-suq li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Proposta, u biex tiġi stabbilita lista eżawrjenti li tinkludi l-partijiet interessati rilevanti kollha, bil-ħsieb li jiġi żgurat approċċ armonizzat u integrat bi sħiħ għas-sigurtà fl-UE;

Fl-Artikolu 1(2)(c) jiċċaraw li d-Direttiva proposta tapplika għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, u biex tiġi inkluża referenza għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 fl-Artikolu 1(5) tal-Proposta;

Jirrikonoxxu rwol aktar orizzontali għal din il-Proposta fir-rigward tas-sigurtà, billi fl-Artikolu 1 espliċitament jipprevedu li din għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal regoli eżistenti jew futuri aktar iddettaljati f’oqsma speċifiċi (bħal dawk li għandhom jiġu stabbiliti dwar il-fornituri ta’ servizzi fiduċjarji fir-Regolament propost dwar l-identifikazzjoni elettronika);

Iżidu premessa li tispjega l-ħtieġa li tiġi inkorporata l-protezzjoni tad-dejta b’mod iddisinnjat jew prestabbilit mill-istadju bikri tad-disinn tal-mekkaniżmi stabbiliti fil-Proposta u matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-proċessi, il-proċeduri, l-organizzazzjonijiet, it-tekniki u l-infrastrutturi involuti, filwaqt li jitqies ir-Regolament propost dwar il-Protezzjoni tad-Dejta;

Jiċċaraw id-definizzjonijiet ta’ “sistema tan-netwerks u l-informazzjoni” fl-Artikolu 3(1) u ta’ “inċident” fl-Artikolu 3(4), u fl-Artikolu 5(2) jissostitwixxu l-obbligu li jiġi stabbilit “pjan ta’ valutazzjoni tar-riskju” b’“jitwaqqaf u jinżamm qafas ta’ ġestjoni tar-riskju”;

Fl-Artikolu 1(6) jispeċifikaw li l-ipproċessar tad-dejta personali jkun iġġustifikat skont l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46/KE sal-punt meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali segwiti mid-Direttiva proposta. Madankollu, għandu jiġi żgurat li jiġu rispettati b’mod xieraq il-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità, biex b’hekk tiġi pproċessata biss id-dejta strettament meħtieġa għall-iskop li jrid jintlaħaq;

Fl-Artikolu 14 jistabbilixxu ċ-ċirkostanzi meta hija meħtieġa notifika kif ukoll il-kontenut u l-format tan-notifika, inklużi t-tipi ta’ dejta personali li għandhom jiġu nnotifikati u jekk għandhomx jiġu nnotifikati jew le, u sa liema punt, in-notifika u d-dokumenti ta’ sostenn tagħha sejrin jinkludu d-dettalji tad-dejta personali affettwata minn inċident speċifiku tas-sigurtà (bħall-indirizzi IP). Għandu jitqies il-fatt li l-aworitajiet kompetenti tal-NIS għandhom jitħallew jiġbru u jipproċessaw id-dejta personali fil-qafas ta’ inċident tas-sigurtà biss meta dan ikun strettament meħtieġ. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll salvagwardji xierqa mressqa fil-Proposta biex tiġi żgurata l-protezzjoni xierqa tad-dejta pproċessata mill-awtoritajiet kompetenti tal-NIS;

Fl-Artikolu 14 jiċċaraw li n-notifiki ta’ inċidenti skont l-Artikolu 14(2) għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ notifika ta’ ksur tad-dejta personali skont il-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta. L-aspetti ewlenin tal-proċedura għall-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-NIS mad-DPAs f’każijiet fejn l-inċident tas-sigurtà jinvolvi ksur ta’ dejta personali għandhom jiġu stabbiliti minn qabel fil-Proposta;

Jemendaw l-Artikolu 14(8) b’tali mod li l-esklużjoni ta’ mikrointrapriżi mill-kamp ta’ applikazzjoni tan-notifika ma tapplikax għal dawk l-operaturi li għandhom rwol kruċjali fil-forniment ta’ servizzi tas-soċjetà, pereżempju fid-dawl tan-natura tal-informazzjoni li jipproċessaw (eż. dejta bijometrika jew dejta sensittiva);

Iżidu dispożizzjonijiet fil-Proposta li tirregola l-iskambju ta’ dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti tal-NIS ma’ riċevituri oħra, biex jiġi żgurat li (i) id-dejta personali tiġi żvelata biss lir-riċevituri li l-ipproċessar tagħhom ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont bażi legali xierqa u (ii) li tali informazzjoni tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom. Għandu jitqies ukoll kif l-entitajiet li jipprovdu dejta lin-netwerk ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni jiżguraw konformità mal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-iskop;

Jispeċifikaw il-limitu ta’ żmien għaż-żamma tad-dejta personali għall-finijiet stabbiliti fid-Direttiva proposta, b’mod partikolari fir-rigward taż-żamma mill-awtoritajiet kompetenti tan-NIS u fi ħdan l-infrastruttura sikura tan-netwerk ta’ kooperazzjoni;

Ifakkru lill-awtoritajiet kompetenti tan-NIS dwar l-obbligu tagħhom li jipprovdu tagħrif xieraq lis-suġġetti tad-dejta dwar l-ipproċessar tad-dejta personali, pereżempju bil-pubblikazzjoni ta’ politika ta’ privatezza fuq il-websajt tagħhom;

Iżidu dispożizzjoni dwar il-livell ta’ sigurtà li għandu jiġi osservat mill-awtoritajiet kompetenti tan-NIS fir-rigward tal-informazzjoni miġbura, ipproċessata, u skambjata. Għandha tiġi inkluża b’mod speċifiku referenza għar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 95/46/KE fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali mill-awtoritajiet kompetenti tal-NIS;

Fl-Artikolu 9(2) jiċċaraw li l-kriterji għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fis-sistema sikura ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni għandhom jiżguraw li jiġi ggarantit livell għoli ta’ sigurtà u reżistenza mill-parteċipanti kollha fis-sistemi ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni f’kull pass tal-ipproċessar. Dawn il-kriterji għandhom jinkludu kunfidenzjalità xierqa u miżuri ta’ sigurtà skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001. Il-Kummissjoni għandha tkun espressament marbuta b’dawn il-kriterji għall-parteċipazzjoni tagħha bħala kontrollur fis-sistema sikura ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni;

Fl-Artikolu 9 iżidu deskrizzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fit-twaqqif, l-operazzjoni u l-manutenzjoni tas-sistema sikura ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni, u jipprevedu li d-disinn tas-sistema jsir skont il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-dejta b’mod iddisinnjat jew prestabbilit u b’sigurtà bid-disinn; u

Fl-Artikolu 13 iżidu li kwalunkwe trasferiment ta’ dejta personali lil riċevituri li jinsabu f’pajjiżi barra l-UE għandu jsir skont l-Artikoli 25 u 26 tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2013.

Peter HUSTINX

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  JOIN(2013) 1 finali.

(2)  COM(2013) 48 finali.


4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/23


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (riformulazzjoni) u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja

(It-test sħiħ ta' din l-Opinjoni huwa disponibbli bl-EN, FR u DE fis-sit tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2014/C 32/11

1.   Introduzzjoni

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fis-27 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni adottat żewġ Proposti leġiżlattivi fil-qasam tat-trade marks: Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (riformulazzjoni) (1) u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja (2) (minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa “il-Proposti”). Dawn il-Proposti ntbagħtu lill-KEPD fl-istess jum.

2.

Il-KEPD jinnota li l-għan ewlieni ta' dawn il-Proposti huwa li jarmonizza aktar l-aspetti kollha tal-liġi sostantiva tat-trade marks kif ukoll tar-regoli proċedurali fi ħdan l-UE. Għalkemm mal-ewwel daqqa t'għajn jista' jidher li dawn il-Proposti ma jħallu ebda konsegwenza sostanzjali għall-protezzjoni tad-dejta, huwa madankollu jinnota li ż-żewġ strumenti jistabbilixxu xi operazzjonijiet ta’ pproċessar, li jista’ jkollhom impatt fuq id-dritt tal-individwi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta. Għalhekk, il-KEPD jiddispjaċih li ma ġiex ikkonsultat informalment qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-Proposti.

3.

Skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, il-KEPD jixtieq jenfasizza hawn taħt xi kwistjonijiet speċifiċi li l-Proposti jqajmu mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta. Il-KEPD jirrakkomanda li fil-preambolu tal-Proposti ssir referenza għall-konsultazzjoni tal-KEPD.

1.2.   Sfond ġenerali

4.

Id-Direttiva Proposta għandha l-għan li tarmonizza aktar ir-regoli sostantivi dwar it-trade marks fl-UE – inklużi kjarifiki dwar id-drittijiet mogħtija minn trade mark u r-regoli applikabbli għall-marki kollettivi – kif ukoll aspetti proċedurali bħal reġistrazzjoni, ħlasijiet, u proċeduri dwar oppożizzjoni, revoka jew dikjarazzjoni ta’ invalidità ta' trade mark. Tipproponi wkoll dispożizzjonijiet li jtejbu l-koperazzjoni amministrattiva ta’ uffiċċji ċentrali nazzjonali tal-proprjetà industrijali bejniethom u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Marki Kummerċjali u d-Disinji (l-Artikoli 52 u 53).

5.

Ir-Regolament propost jemenda l-qafas legali attwali applikabbli għal trade mark Komunitarja stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 207/2009. L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) ingħata l-isem ġdid “Aġenzija Ewropea għat-Trade Marks u d-Disinji” (“l-Aġenzija”). Ir-Regolament propost jikkjarifika r-regoli sostantivi u proċedurali li japplikaw għat-trade mark Ewropea. Dan jipprevedi l-ħolqien ta’ Reġistru u ta’ bażi elettronika ta’ dejta mill-Aġenzija (Artikolu 87). Huwa jikkjarifika wkoll ir-rwol u l-kompiti tal-Aġenzija, b'mod partikolari fir-rigward tal-koperazzjoni tagħha mal-uffiċċji ċentrali nazzjonali tal-proprjetà industrijali fl-UE (Artikolu 123).

3.   Konklużjonijiet

27.

Għalkemm dawn il-Proposti jittrattaw l-armonizzazzjoni tal-liġi sostantiva dwar it-trade marks kif ukoll regoli proċedurali fi ħdan l-UE u, mal-ewwel daqqa t’għajn, ma jidhirx li għandhom konsegwenzi sostanzjali għall-protezzjoni tad-dejta, madankollu huma jistabbilixxu xi operazzjonijiet ta' pproċessar li jista' jkollhom impatt fuq id-drittijiet tal-individwi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta.

28.

Il-KEPD jenfasizza li l-ġbir u l-ipproċessar ta' dejta personali mill-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u l-Aġenzija fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom għandhom jitwettqu f'konformità mal-liġi applikabbli għall-protezzjoni tad-dejta, b'mod partikolari mal-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

29.

Dwar id-Direttiva proposta, il-KEPD jirrakkomanda li:

tiddaħħal dispożizzjoni sostantiva li tenfasizza l-ħtieġa għal kwalunkwe pproċessar ta' dejta personali mwettaq mill-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà industrijali li tirrispetta l-liġi applikabbli għall-protezzjoni tad-dejta, b'mod partikolari l-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE, u tiżdied referenza għar-Regolament Ġenerali għall-Protezzjoni tad-Dejta propost fi premessa;

jiġi enfasizzat f'dispożizzjoni sostantiva li kwalunkwe pproċessar ta' dejta personali mill-Aġenzija fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji nazzjonali u l-Aġenzija huwa soġġett għal konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001;

jiġi kkjarifikat f'dispożizzjoni sostantiva jekk il-bażijiet ta’ dejta komuni jew konnessi u portali ppjanati taħt l-Artikolu 52 u l-premessa 37 jinvolvux l-ipproċessar ta' dejta personali kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan(ijiet) tagħhom, b'mod partikolari jekk dawn iġibux għanijiet addizzjonali minn dawk oriġinali ta' kull bażi ta’ dejta u portal, u jekk iva, x'inhi l-bażi legali għal dawn l-għanijiet addizzjonali;

jiġu stabbiliti b'mod ċar f'dispożizzjoni sostantiva l-modalitajiet għall-iskambji ta' informazzjoni permezz ta’ bażijiet ta’ dejta komuni jew konnessi u portali, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti r-reċipjenti awtorizzati ta' dejta personali, it-tipi ta' dejta, l-għan ta' dawn l-iskambji, u t-tul ta' żmien taż-żamma tad-dejta f'dawk is-sistemi tal-IT.

30.

Dwar ir-Regolament Propost, il-KEPD jirrakkomanda li:

jiġu stabbiliti l-modalitajiet għall-ipproċessar ta’ dejta personali fir-Reġistru u l-bażi ta’ dejta elettronika f'dispożizzjoni sostantiva tal-Proposta u mhux f’atti ddelegati;

tiddaħħal dispożizzjoni sostantiva li tispeċifika t-tipi ta' dejta personali li għandhom jiġu pproċessati fir-Reġistru u fil-bażi ta’ dejta elettronika, l-għan tal-ipproċessar tagħhom, il-kategoriji ta' reċipjenti li huma awtorizzati jaċċessaw id-dejta (bl-ispeċifikazzjoni ta' liema dejta), il-limitu/i ta’ żmien għaż-żamma tad-dejta, u l-modalitajiet għall-informazzjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta;

jiġi kjarifikat fl-Artikolu 123c jekk l-iskambji ta' informazzjoni bejn l-Aġenzija u l-uffiċċji nazzjonali jkunux jinkludu jew le dejta personali, u jekk iva, liema. Għandu jiġi speċifikat ukoll (i) li l-iskambji ta' dejta personali bejn l-Aġenzija u l-uffiċċji nazzjonali għandhom jitwettqu f'konformità mal-liġi applikabbli għall-protezzjoni tad-dejta, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar l-ipproċessar mill-Aġenzija u d-Direttiva 95/46/KE dwar l-ipproċessar mill-uffiċċji nazzjonali, (ii) l-għan ta' dawn l-iskambji, b'mod partikolari jekk dawn iġibux magħhom għanijiet addizzjonali minn dawk oriġinali ta' kull bażi ta’ dejta u portal, u jekk iva, x’inhi l-bażi legali għal dawn l-għanijiet addizzjonali, u (iii) it-tipi ta' dejta skambjati, ir-riċevituri awtorizzati tad-dejta, u t-tul ta’ żmien taż-żamma tad-dejta f'dawn is-sistemi tal-IT;

jiġu vvalutati l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' divulgazzjoni ta' dejta personali fil-kuntest tal-pubblikazzjoni ta' informazzjoni li tinsab fil-bażi ta’ dejta elettronika. Jekk hija l-intenzjoni tal-leġiżlaturi li jipprevedu l-pubblikazzjoni ta' dejta personali għal għanijiet ivvalutati b'attenzjoni, il-KEPD jirrakkomanda li fir-Regolament propost jiġu inklużi dispożizzjonijiet espliċiti f'dan ir-rigward. Bħala minimu, dispożizzjoni sostantiva għandha tikkjarifika x'tip ta' dejta personali tista' ssir pubblika u għal liema għan(ijiet);

jiġi kkjarifikat f'dispożizzjoni sostantiva jekk il-mezzi ta' kooperazzjoni jkunux jinkludu jew le l-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet tal-qorti dwar it-trade marks. Jekk iva, din id-dispożizzjoni sostantiva għandha tiddefinixxi l-kondizzjonijiet skont liema tista’ sseħħ il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti. F'dan ir-rigward, il-KEPD jirrakkomanda li l-pubblikazzjoni tas-sentenzi fuq l-internet mill-Aġenzija u/jew l-uffiċċji ċentrali nazzjonali tal-proprjetà industrijali għandha sseħħ bil-kondizzjoni li l-indiċjar tas-sentenzi (u d-dejta personali li tinsab fihom) fuq magni tat-tiftix tal-internet esterni jkun teknikament ipprojbit jew inkella li jiġi kkunsidrat jekk il-pubblikazzjoni għandhiex issir fuq bażi anonima.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2013.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2013) 162 finali.

(2)  COM(2013) 161 finali.


4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/25


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta dwar il-Proposti għal Regolament li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) u Regolament li jistabbilixxi Programm tal-Vjaġġatur Irreġistrat (RTP)

(It-test sħiħ ta’ din l-Opinjoni huwa disponibbli bl-EN, FR & DE fis-sit tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2014/C 32/12

I.   Introduzzjoni

I.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fit-28 ta’ Frar 2013 il-Kummissjoni adottat il-proposti li ġejjin (minn hawn ’il quddiem “il-proposti”):

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) għar-reġistrazzjoni ta’ dejta tad-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem: “il-proposta EES”) (1);

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm ta’ Vjaġġaturi Reġistrati (RTP) (minn hawn ’il quddiem: “il-proposta RTP”) (2);

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-użu tas-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ (EES) u l-Programm ta’ Vjaġġaturi Rreġistrati (RTP) (minn hawn ’il quddiem: “il-proposta emendatorja”) (3).

2.

Fl-istess jum, il-proposti ntbagħtu lill-KEPD għal konsultazzjoni. Il-KEPD kien ingħata l-opportunità li jipprovdi kummenti informali lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni tal-proposti.

3.

Il-KEPD jilqa’ r-referenza għall-konsultazzjoni tal-KEPD, li ġiet inkluża fil-Preambolu kemm tal-proposta EES kif ukoll tal-proposta RTP.

I.2.   Sfond

4.

Il-Komunikazzjoni tal-2008 mill-Kummissjoni “It-Tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea” ssuġġeriet għodod ġodda għall-ġestjoni futura tal-fruntieri Ewropej, inkluż sistema ta’ dħul u ħruġ (minn hawn ’il quddiem “EES”) għar-reġistrazzjoni elettronika tad-dati tad-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u programm ta’ vjaġġaturi rreġistrati biex jiffaċilita l-qsim tal-fruntieri għal vjaġġaturi in bona fede (minn hawn ’il quddiem “RTP”). Hija kkunsidrat ukoll l-introduzzjoni ta’ Sistema Elettronika għall-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA) għal ċittadini minn pajjiżi terzi eżentati mill-viża.

5.

Dawn il-proposti ġew approvati mill-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru 2009 fil-Programm ta’ Stokkolma (4). Madankollu, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2011 dwar il-fruntieri intelliġenti, il-Kummissjoni (5) kkunsidrat li l-istabbiliment ta’ ESTA għandu jitwarrab għalissa billi “l-kontribut potenzjali għat-titjib tas-sigurtà tal-Istati Membri la jiġġustifika l-ġbir ta’ dejta personali fuq skala bħal din u lanqas l-ispiża finanzjarja u l-impatt fuq ir-relazzjonijiet internazzjonali.” (6) Hija ħabbret ukoll li kellha l-intenzjoni li tippreżenta proposti għal EES u RTP fl-ewwel nofs tal-2012.

6.

Sussegwentement, il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2011 talab li l-ħidma fuq il-“fruntieri intelliġenti” tingħata malajr spinta ’l quddiem u talab għall-introduzzjoni tal-EES u l-RTP (7).

7.

Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 kkummenta dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar fruntieri intelliġenti, li ppreċediet il-Proposti, f’ittra lill-Kummissarju Malmström tat-12 ta’ Ġunju 2012 (8). Aktar reċentement, fis-6 ta’ Ġunju 2013, il-Grupp ta’ Ħidma adotta opinjoni li staqsiet dwar il-bżonn ta’ Pakkett dwar il-Fruntieri Intelliġenti (9).

8.

L-Opinjoni preżenti tibni fuq dawn il-pożizzjonijiet, kif ukoll fuq Opinjoni preċedenti tal-KEPD (10) dwar il-Komunikazzjoni tal-2011 tal-Kummissjoni dwar il-migrazzjoni (11) u fuq il-kummenti Preliminari tal-KEPD (12) dwar tliet Komunikazzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-fruntieri (2008) (13). Hija tagħmel ukoll użu mill-kontribut mogħti waqt il-Konsultazzjonijiet tal-KEPD dwar il-pakkett dwar il-fruntieri Intelliġenti u implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta (14).

I.3.   L-Għan tal-Proposti

9.

L-Artikolu 4 tal-proposta EES jispeċifika l-iskop tagħha. Il-proposta timmira li ttejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, l-implimentazzjoni tal-politika integrata għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-koperazzjoni u l-konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-fruntieri u l-immigrazzjoni. Hija tipprevedi sistema li:

(a)

ttejjeb il-kontrolli fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri esterni u tikkumbatti l-immigrazzjoni irregolari;

(b)

tikkalkula u timmonitorja l-kalkolu tat-tul ta’ permanenza awtorizzata ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ammessi għal permanenza qasira;

(c)

tgħin fl-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe persuna li ma tissodisfax, jew ma tistax tissodisfa aktar, il-kondizzjonijiet biex tidħol, jew toqgħod fit-territorju tal-Istati Membri;

(d)

tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li jidentifikaw persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta u jieħdu miżuri xierqa;

(e)

tiġbor statistika dwar id-dħul u l-ħruġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ analiżi.

10.

Is-sistema għandha tgħin fil-monitoraġġ tal-permanenza awtorizzata billi tipprovdi informazzjoni malajr u preċiża lill-gwardji tal-fruntiera u lill-vjaġġaturi. Hija tkun tissostitwixxi s-sistema attwali ta’ timbrar manwali tal-passaporti, meqjusa bħala waħda bil-mod u inaffidabbli, u ttejjeb l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-fruntieri (15).

11.

Għandha tassisti wkoll, permezz tal-ħażna tal-bijometrika, fl-identifikazzjoni ta’ persuni li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet biex jidħlu, jew joqogħdu fl-UE, speċjalment fin-nuqqas ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni. Barra minn hekk, l-EES tkun tipprovdi stampa preċiża tal-flussi tal-ivvjaġġar u tal-għadd ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta, u tippermetti tfassil tal-politika bbażata fuq l-evidenza, pereżempju dwar l-obbligi tal-viża. L-istatistika msemmija fl-Artikolu 4 tintuża għal dan l-aħħar għan.

12.

L-EES tkun il-bażi għall-RTP, immirata biex tiffaċilita l-qsim tal-fruntieri lil vjaġġaturi frekwenti ta’ pajjiżi terzi li jkunu għaddew minn skrutinju. Il-vjaġġaturi rreġistrati jkollhom token b’identifikatur uniku biex mal-wasla u mat-tluq fil-fruntiera jintmess mal-passaġġ awtomatizzat. Id-dejta tat-token, il-marki tas-swaba’ u, jekk applikabbli, in-numru tal-istiker tal-viża jkunu mqabbla ma’ dawk maħżuna fil-Repożitorju Ċentrali u f’bażijiet oħra ta’ dejta. Jekk il-kontrolli kollha jkunu ta’ suċċess, il-vjaġġatur ikun jista’ jaqsam il-passaġġ awtomatizzat. Inkella, il-vjaġġatur ikun megħjun minn gwardja tal-fruntiera.

13.

Finalment, il-proposta emendatorja għandha l-objettiv li jiġi akkomodat ir-Regolament (KE) Nru 562/2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri (minn hawn ’il quddiem: “il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”) għall-proposti ġodda tal-EES u l-RTP.

I.4.   Kuntest u Struttura tal-Opinjoni preżenti

14.

Il-proġett biex tiġi żviluppata sistema elettronika li tikkontrolla d-dħul u l-ħruġ fit-territorju tal-UE mhix xi ħaġa ġdida, u bosta Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq wittew it-triq għall-proposti li issa qegħdin jiġu analizzati. Huwa għalhekk fil-perspettiva ta’ dawn l-iżviluppi li l-pakkett dwar il-fruntieri intelliġenti għandu jiġi vvalutat. B’mod partikolari, jeħtieġ li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin.

15.

Fil-Programm ta’ Stokkolma, il-Kummissjoni ħadet l-approċċ strateġiku li tivvaluta l-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ Mudell Ewropew għall-Iskambju ta’ Informazzjoni bbażat fuq l-evalwazzjoni tal-istrumenti attwali. Dan għandu jkun ibbażat, fost oħrajn, fuq reġim b’saħħtu għall-protezzjoni tad-dejta, fuq skema ta’ ġbir tad-dejta mmirata tajjeb, u fuq razzjonalizzazzjoni tal-għodod differenti, inkluż l-adozzjoni ta’ pjan ta’ negozju għal sistemi kbar tat-Teknoloġija tal-Informatika. Il-Programm ta’ Stokkolma jfakkar il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-għodod differenti ta’ informazzjoni mal-istrateġija għall-protezzjoni tad-dejta personali u l-pjan tan-negozju għall-istabbiliment ta’ sistemi tat-Teknoloġija tal-Informatika fuq skala kbira (16).

16.

L-analiżi komprensiva hija aktar meħtieġa meta wieħed jikkunsidra l-eżistenza u l-iżvilupp ulterjuri u l-implimentazzjoni ta’ sistemi tat-Teknoloġija tal-Informatika fuq skala kbira, bħall-Eurodac (17), VIS (18) u SIS II (19). L-iskema ta’ fruntieri intelliġenti hija għodda addizzjonali biex tiġbor l-ammonti massivi ta’ dejta personali fil-perspettiva ta’ kontroll tal-fruntieri. Dan l-approċċ globali ġie kkonfermat reċentement mill-Kunsill ĠAI li enfasizza l-ħtieġa għat-tagħlim mill-esperjenza ta’ SIS b’referenza b’mod partikolari għall-eskalazzjoni tal-ispejjeż. (20) Il-KEPD ikkummenta wkoll li ‘l-mudell Ewropew ta’ informazzjoni ma jistax jiġi interpretat abbażi ta’ konsiderazzjonijiet tekniċi’, fid-dawl tal-opportunitajiet kważi llimitati offruti mit-teknoloġiji ġodda. L-informazzjoni għandha tiġi pproċessata biss fuq il-bażi tal-ħtiġijiet ta’ sigurtà konkreti (21).

17.

L-analiżi tal-EES u l-RTP mill-angolu ta’ privatezza u protezzjoni tad-dejta għandha ssir fil-perspettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (22) (minn hawn ’il quddiem: “il-Karta”), u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha. L-Artikolu 7, li huwa simili għall-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (23) (ECHR), jipprevedi dritt ġenerali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, u jipproteġi lill-individwu kontra l-interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi, filwaqt li l-Artikolu 8 tal-Karta jagħti lill-individwu d-dritt li d-dejta personali tiegħu jew tagħha tista’ tiġi pproċessata biss taħt ċerti kondizzjonijiet speċifikati. Iż-żewġ approċċi huma differenti u komplementari. Il-pakkett dwar il-fruntieri intelliġenti se jiġi vvalutat minn dawn iż-żewġ perspettivi.

18.

L-Opinjoni preżenti tiffoka ħafna fuq il-proposta tal-EES – li hija ferm rilevanti mill-perspettivi tal-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta – u hija strutturata kif ġej:

Taqsima II tinkludi valutazzjoni ġenerali tas-sistema ta’ Dħul u Ħruġ, li tiffoka fuq il-konformità maż-żewġ Artikoli 7 u 8 tal-Karta;

Taqsima III tinkludi kummenti dwar dispożizzjonijiet aktar speċifiċi tal-EES li jikkonċernaw l-ipproċessar tad-dejta bijometrika u l-aċċess mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

Taqsima IV tinkludi kummenti dwar kwistjonijiet oħrajn imqajma mill-EES;

Taqsima V tiffoka fuq ir-RTP;

Taqsima VI tirreferi għall-ħtieġa għal salvagwardji addizzjonali tas-sigurtà tad-dejta;

Taqsima VII telenka l-konklużjonijiet.

VII.   Konklużjonijiet

102.

Il-pakkett dwar il-fruntieri Intelliġenti jimmira li joħloq sistema tat-Teknoloġija tal-Informatika fuq skala kbira sabiex tissupplimenta l-mekkaniżmi eżistenti ta’ kontroll tal-fruntieri. Il-karattru legali ta’ din is-sistema jeħtieġ li jiġi evalwat fl-isfond tal-prinċipji tal-Karta, b’mod partikolari l-Artikolu 7 dwar id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja u l-Artikolu 8 dwar il-protezzjoni tad-dejta personali, bl-objettiv li jivvaluta mhux biss l-interferenza mad-drittijiet fundamentali tal-iskema l-ġdida, iżda wkoll is-salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta pprovduti fil-Proposti.

103.

F’dik il-perspettiva, il-KEPD jikkonferma li l-iskema EES proposta tikkostitwixxi interferenza mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Filwaqt li huwa jilqa’ s-salvagwardji fil-Proposti u jirrikonoxxi l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni f’dan is-sens, huwa jikkonkludi li l-kwistjoni essenzjali tibqa’ n-neċessità: l-ispiża/l-effiċjenza tas-sistema tinsab fin-nofs, mhux biss f’termini finanzjarji, iżda wkoll fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, li jidhru fil-kuntest globali ta’ skemi eżistenti u politiki tal-fruntiera.

104.

Il-KEPD jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin dwar l-EES:

In-neċessità u l-proporzjonalità tas-sistema setgħet biss tiġi murija posittivament skont l-Artikolu 7 tal-Karta wara li tkun ġiet stabbilita politika Ewropea ċara dwar il-ġestjoni ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta, u s-sistema tkun ivvalutata fl-isfond tal-kuntest aktar globali ta’ sistemi eżistenti tat-Teknoloġija tal-Informatika fuq skala kbira.

Il-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta għandhom jitjiebu skont l-Artikolu 8 kif ġej:

L-għanijiet għandhom ikunu limitati u d-disinn tas-sistema m’għandux ixekkel il-valutazzjoni futura ta’ kull aċċess infurzat tal-liġi possibbli għad-dejta tal-EES.

Id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta għandhom jiġu rinfurzati, speċjalment fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni u l-possibbiltajiet ta’ rimedju, u għandu jittieħed kont tal-ħtieġa għal salvagwardji speċifiċi li jikkonċernaw deċiżjonijiet awtomatizzati meħuda fir-rigward tal-kalkolu tat-tul ta’ permanenza.

Is-sorveljanza għandha tkun ikkumplimentata bi stampa ċara tal-allokazzjoni tal-kompetenzi f’livell nazzjonali, biex jiġi żgurat li s-suġġetti tad-dejta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom mal-awtorità rilevanti.

L-użu tal-bijometrika għandu jkun soġġett għal valutazzjoni tal-impatt immirat, u jekk ikun meqjus neċessarju, l-ipproċessar ta’ dejta bħal din għandu jkun soġġett għal salvagwardji speċifiċi rigward il-proċess ta’ reġistrazzjoni, il-livell ta’ preċiżjoni u l-ħtieġa għal proċedura ta’ riżerva. Barra dan, il-KEPD għandu dubju kbir dwar il-ġbir ta’ 10 marki tas-swaba’ minflok tnejn jew erbgħa li f’kull każ għandu jkun suffiċjenti għal skopijiet ta’ verifika.

Ir-raġunijiet li għalihom huwa neċessarju t-trasferiment ta’ dejta tal-EES lil pajjiżi terzi għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu sostanzjati.

105.

Filwaqt li r-RTP ma tqajjimx l-istess domandi sostanzjali fir-rigward tal-interferenza mad-drittijiet fundamentali bħall-EES, il-KEPD xorta jiġbed l-attenzjoni tal-leġiżlatur dwar l-aspetti li ġejjin:

Il-bażi volontarja tas-sistema hija rikonoxxuta, imma l-kunsens għandu jiġi kkunsidrat biss bħala raġuni legali valida għall-ipproċessar tad-dejta jekk ikun mogħti liberament, li jfisser li r-RTP m’għandux isir l-unika alternattiva valida għal kjus twal u piżijiet amministrattivi.

Għandhom jiġu evitati riskji ta’ diskriminazzjoni: l-ammont kbir ta’ vjaġġaturi li ma jivvjaġġawx bi frekwenza suffiċjenti biex joqogħdu għar-reġistrazzjoni jew li l-marki tas-swaba’ tagħhom ma jistgħux jinqraw m’għandux ikun de facto fil-kategorija ta’ vjaġġaturi “b’riskju ogħla”.

Il-proċess ta’ verifika li jwassal għar-reġistrazzjoni għandu jkun ibbażat fuq aċċess selettiv għal bażijiet ta’ dejta identifikati b’mod ċar.

106.

Fir-rigward tal-aspetti ta’ sigurtà, il-KEPD iqis li għall-EES u l-RTP għandhom jiġu żviluppati Pjan ta’ Kontinwità tan-Negozju u prattiki ta’ Ġestjoni tar-Riskju tas-Sigurtà tal-Informazzjoni biex jivvalutaw u jipprijoritizzaw ir-riskji. Barra minn hekk, għandha tkun prevista kollaborazzjoni qawwija bejn l-Aġenzija u l-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2013.

Peter HUSTINX

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2013) 95 finali.

(2)  COM(2013) 97 finali.

(3)  COM(2013) 96 finali.

(4)  “Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini” (ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1).

(5)  Komunikazzjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Fruntieri intelliġenti – alternattivi u t-triq ’il quddiem” (COM (2011) 680 finali).

(6)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-fruntieri intelliġenti, iċċitata hawn fuq, p. 7.

(7)  EUCO 23/11.

(8)  Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, stabbilit skont id-Direttiva 95/46/KE, huwa magħmul minn rappreżentant ta’ kull awtorità nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta, il-KEPD u rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa għandu status konsultattiv u jaġixxi indipendentement. L-ittra tat-12 ta’ Ġunju 2012 tal-Grupp ta’ Ħidma lis-Sinjura Cecilia Malmström dwar il-fruntieri intelliġenti hija disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/other-document/files/2012/20120612_letter_to_malmstrom_smart-borders_en.pdf

(9)  Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29, Opinjoni 05/2013 dwar il-Fruntieri Intelliġenti. http://ec.europa.eu/justice/data-protection/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2013/wp206_en.pdf

(10)  Opinjoni tal-KEPD tas-7 ta’ Lulju 2011, disponibbli fuq http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Opinions/2011/11-07-07_Migration_EN.pdf

(11)  Komunikazzjoni tal-4 ta’ Mejju 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-migrazzjoni (COM (2011) 248/3).

(12)  Kummenti Preliminari tal-KEPD tat-3 ta’ Marzu 2008, disponibbli fuq http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/Consultation/Comments/2008/08-03-03_Comments_border_package_EN.pdf

(13)  Komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea” (COM (2008) 69 finali); “Eżaminazzjoni dwar il-ħolqien ta’ Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza għall-Fruntieri (EUROSUR)” (COM (2008) 68 finali) u “Rapport dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX”, COM (2008) 67 finali.

(14)  Konsultazzjonijiet tal-KEPD dwar il-pakkett tal-fruntieri Intelliġenti u implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta, Brussell, 10 ta’ April 2013, Post: EDPS Building, Rue Montoyer 30, Brussells. Ara s-sommarju fuq: http://www.edps.europa.eu/EDPSWEB/webdav/site/mySite/shared/Documents/EDPS/PressNews/Events/2013/13-04-10_Summary_smart_borders_final_EN.pdf

(15)  Ara l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tal-proposta EES.

(16)  Il-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1).

(17)  Ara r-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-‘Eurodac’ għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ dejta tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tat-Teknoloġija tal-Informatika fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013 p. 1).

(18)  Ara r-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008 p. 60).

(19)  Ara r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006 p. 4).

(20)  Ara dok. tal-Kunsill Nru 8018/13, in-Nota tal-Presidenza lill-Kumitat Strateġiku dwar l-Immigrazzjoni, il-Fruntieri u l-Ażil/Kumitat Imħallat (UE-L-Islanda/il-Liechtenstein/in-Norveġja/l-Isvizzera), 28 ta’ Marzu 2013 dwar il-Pakkett dwar il-Fruntieri Intelliġenti. http://www.statewatch.org/news/2013/apr/eu-council-smart-borders-8018-13.pdf

(21)  Opinjoni tal-KEPD tal-10 ta’ Lulju 2009 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini (ĠU C 276, 17.11.2009, p. 8.).

(22)  ĠU C 83, 30.3.2010, p. 389.

(23)  Kunsill tal-Ewropa, ETS No 5, 4.11.1950.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/30


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.7144 – Apollo/Fondo de Garantía de Depósitos de Entidades de Crédito/Synergy)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2014/C 32/13

1.

Fl-24 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' proposta ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-affiljati ta' Apollo Management L.P. (“Apollo”, l-Istati Uniti tal-Amerika) u Fondo de Garantía de Depósitos de Entidades de Crédito (“FGD”, Spanja) jakkwistaw fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolamenti dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt tal-impriża Synergy Industry and Technology, SA (“Synergy”, Spanja) permezz ta' xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Apollo: ġestjoni ta' fondi ta' investiment li tinvesti f'kumpaniji involuti f'bosta negozji madwar id-dinja. Eżempji tal-investimenti ta' bħalissa jinkludu, fost affarijiet oħrajn, kumpaniji fin-negozji tal-kimika, il-kruċiri, il-loġistika, il-karta, l-ippakkjar u l-metalli,

għal FGD: FGD hija fond iffinanzjata bl-imnut, banek korporattivi u tat-tfaddil kif ukoll mill-bank ċentrali Spanjoli li tkopri depożiti fil-banek Spanjoli,

għal Synergy: bħala l-kumpanija azzjonarja ta' Aernnova Group u azzjonista ta' Aeroblade SA u Orisol Corporación Energética SA, hija attiva fil-manifattura ta' makkinarju relatat mal-inġenji tal-ajru u tal-ispazju.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.7144 – Apollo/Fondo de Garantía de Depósitos de Entidades de Crédito/Synergy, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).