ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2014.004.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 4

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 57
8ta' Jannar 2014


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-QORTI TAL-AWDITURI

2014/C 004/01

Opinjoni Nru 4/2013 (skont l-Artikolu 322, TFUE) concerning a proposal for a regulation dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002

1

MT

 


III Atti preparatorji

IL-QORTI TAL-AWDITURI

8.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 4/1


OPINJONI Nru 4/2013

(skont l-Artikolu 322, TFUE)

concerning a proposal for a regulation dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002

2014/C 4/01

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322 tiegħu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Settembru 2013 (1),

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq, riċevuta mill-Qorti fit-28 ta' Ottubru 2013,

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kunsill għal opinjoni dwar il-proposta msemmija hawn fuq, riċevuta mill-Qorti fid-9 ta' Ottubru 2013,

Billi r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) kien akkumpanjat minn dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, fejn qablu li jirrevedu r-Regolament Finanzjarju sabiex jinkludu l-eżitu tan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020;

Billi, wara l-ftehim politiku dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 u dwar it-twaqqif tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Kummissjoni tipproponi li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandu jiġi emendat sabiex ikun possibbli li tiġi riportata, għas-sena n+1, kwalunkwe approprjazzjoni tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza mqiegħda fir-riżerva u mhux użata fis-sena n, u li jiġu riportati, għas-sena finanzjarja ta' wara, approprjazzjonijiet ta' impenn mhux użati fi tmiem ta' sena finanzjarja għal proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa,

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

1.

Il-Qorti ma għandha l-ebda kumment dwar l-emendi għar-regoli finanzjarji proposti mill-Kummissjoni.

2.

Il-Qorti tinnota li hija ma ġietx ikkonsultata dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali (pluriennali) għas-snin 2014-2020 (3). Tali konsultazzjoni kienet tkun xierqa fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkawżaw jew li x'aktarx jikkawżaw modifiki għar-regoli finanzjarji li, skont l-Artikolu 322 TFUE, jiddeterminaw il-proċedura li għandha tiġi adottata għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit.

3.

Il-Qorti tinnota li, skont il-memorandum ta' spjegazzjoni tal-Kummissjoni, l-ebda ftehim ulterjuri ma ntlaħaq fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 dwar it-trattament tal-fondi li jirriżultaw mill-ftehimiet dwar il-ġlieda kontra t-traffiku illegali ta’ prodotti tat-tabakk. Il-Qorti tfakkar fl-Opinjoni Nru 3/2012 (4) tagħha dwar il-programm Hercule III li jippromwovi attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  COM(2013) 639 final.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(3)  KUMM(2011) 398 finali.

(4)  ĠU C 201, 7.7.2012, p. 1.