ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.CA2013.322.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 322A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
8 ta' Novembru 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 322A/01

Direttorat Ġenerali għall-Baġit — Pubblikazzjoni ta' post battal għal kariga ta' Konsulent Prinċipali (AD 14) fi Brussell (Artikolu 29, paragrafu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal) — COM/2013/10343

1

REVIŻJONI TAL-ĠU C A KOMPETIZZJONI

Hawn taħt għandek issib il-lista ta' C A ppubblikati matul din is-sena.

Ħlief meta indikat mod ieħor, il-Ġurnali Uffiċjali huma ppubblikati fil-lingwi kollha.

5

 

27

(RO)

29

 

33

 

34

 

36

(DA)

41

(BG)

43

(EN)

49

(ET)

50

(HU)

51

(SL)

54

(DE/EN/FR)

58

(EN/GA)

75

 

81

 

82

 

88

(BG)

89

(CS)

94

 

104

 

109

 

111

 

112

(DE/EN/FR)

117

(ET)

118

 

120

 

131

 

143

 

160

(DE/EN/FR)

162

 

166

 

167

 

168

 

172

 

173

 

174

 

176

(BG/DE/EN/ET/FI/IT/LT/LV/MT/NL/PL/PT/SK/SL/SV)

180

(MT)

182

(DE/EN/FR)

183

(IT)

191

 

192

 

193

 

194

 

196

 

197

 

199

 

200

 

204

(DE/EN/FR)

210

(LV)

211

(PL)

219

 

227

 

231

 

235

 

240

 

264

 

269

 

276

 

277

 

279

(PT)

286

(ET)

289

 

290

 

292

(SK)

293

(EN)

294

(DE)

295

(DA)

299

 

300

(LT)

301

 

302

 

308

(DE/EN/FR)

309

 

310

 

317

 

320

 

321

 

322

 

MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

8.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 322/1


Direttorat Ġenerali għall-Baġit

Pubblikazzjoni ta' post battal għal kariga ta' Konsulent Prinċipali (AD 14) fi Brussell

(Artikolu 29, paragrafu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal)

COM/2013/10343

(2013/C 322 A/01)

Min aħna

Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli biex timplimenta bosta mill-obbligi baġitarji tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit (DĠ BAĠIT) għandu l-ħidma li jiżgura mill-awtorità baġitarja r-riżorsi meħtieġa biex jimplimenta l-politiki tal-UE, jamministra l-qafas regolatorju tal-baġit, jimplimenta l-baġits annwali (dħul u nefqa), ifassal il-kontijiet annwali tal-istituzzjonijiet, jiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u jirrapporta fuq l-eżekuzzjoni tal-baġit lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri għal dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni pożittiva (DAS). Huwa magħmul minn ħames direttorati bbażati fi Brussell bi kważi 420 membru tal-persunal.

Id-DĠ BAĠIT iħejji wkoll ir-regoli li jirregolaw il-finanzi tal-Unjoni Ewropea u, billi joffri konsulenza u taħriġ, iħeġġeġ ġestjoni finanzjarja tajba fid-dipartimenti tal-Kummissjoni. B'dan, id-Direttorat Ġenerali għandu parti deċisiva fil-proċess tar-riforma amministrattiva mfassal biex jagħti lill-istituzzjoni amministrazzjoni pubblika ta' livell għoli li biha jkun jista' jwettaq bl-effiċjenza massima l-ħidmiet mogħtija lilu mit-Trattat.

Id-DĠ BAĠIT għandu rwol importanti fl-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani, kif ukoll fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji applikabbli lihom. Dan ikopri wkoll l-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji u umani lil korpi diċentralizzati.

X'qed nipproponu

Fil-qafas tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020, l-eżekuzzjoni ta' anki aktar programmi se tkun delegata lil aġenziji eżekuttivi u l-korpi diċentralizzati se jibqa' jkollhom rwol importanti għall-kisba tal-għanijiet tal-politika tal-UE. Minħabba d-daqs tal-mezzi baġitarji involuti kif ukoll tar-riżorsi umani u l-implikazzjonijiet ta' governanza, id-DĠ BAĠIT ifittex li jirrekluta Konsulent Prinċipali fejn ir-rwol ta' din il-persuna se jkun li tiżgura approċċ ikkoordinat lejn dawn l-entitajiet.

Il-Konsulent Prinċipali jirrapporta direttament lid-Direttur-Ġenerali u jkun il-punt ta' kuntatt ċentrali fid-DĠ BAĠIT dwar dawn il-kwistjonijiet. Ir-responsabbiltajiet ta' din il-persuna jinkludu b'mod partikolari:

Li tipprovdi lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ BAĠIT u lis-servizzi rilevanti b'konsulenza, għarfien konċettwali u rakkomandazzjonijiet pratiċi rigward it-trawwim tal-effiċjenza u l-effikaċja ta' aġenziji eżekuttivi u korpi diċentralizzati,

Tistimula, tappoġġa u tiżgura approċċ orizzonatli fost is-servizzi rilevanti fid-DĠ BAĠIT biex tiddefinixxi l-pożizzjonijiet tad-DĠ lejn l-entitajiet interessati ewlenin,

Tikkomunika kif meħtieġ ma' servizzi ċentrali oħrajn fil-Kummissjoni Ewropea, bħas-Segretarjat-Ġenerali, is-Servizz Legali, id-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà, id-DĠ Informatika kif ukoll id-Direttorati-Ġenerali ewlenin tal-korpi diċentralizzati,

Tirrappreżenta lid-DĠ BAĠIT fil-fora rilevanti u tiddefenti l-pożizzjonijiet tiegħu ġewwa u barra l-Kummissjoni.

X'qegħdin infittxu

Il-kandidat ideali għandu jkollu:

Għarfien tajjeb, u esperjenza fl-istabbiliment, ta' oqfsa għal korpi diċentralizzati jew aġenziji eżekuttivi; fil-koordinazzjoni ta' relazzjonijiet ma' kostituwenti varji u fit-trawwim tal-adozzjoni ta' approċċi konsistenti, inklużi fejn jidħlu responsabbiltajiet finanzjarji, legali u ta' organizzazzjoni,

Esperjenza ċertifikata fil-preżentazzjoni ta' strateġiji innovattivi u effettivi, b'mod speċjali fl-oqsma tal-istruttura organizzattiva jew tal-effikaċja tal-governanza biex jinħolqu gwadanni fl-effiċjenza,

Esperjenza fl-ifformular u fl-implimentar ta' politiki jew leġiżlazzjoni effiċjenti u effettivi,

Għarfien tajjeb tal-bidliet li qed taffaċċja l-Kummissjoni Ewropea u l-korpi diċentralizzati jew l-aġenziji eżekuttivi fil-qasam tal-ġestjoni finanzjarja,

Esperjenza fil-ġestjoni baġitarja, finanzjarja jew tar-riżorsi umani f'kuntest nazzjonali jew Ewropew,

Ħiliet ċertifikati ta' negozjar u koordinazzjoni, tkun kapaċi li tiddiskuti b'mod effiċjenti ma' entitajiet interessati interni u esterni f'livell għoli.

L-applikanti jridu:

1.

Ikunu ċittadini ta' wieħed mill-Istati Membri tal-UE.

2.

Ikollhom:

(i)

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b'diploma, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar.

(ii)

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji li tlestew, iċċertifikati b'diploma, u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena, fejn il-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' mill-inqas tliet snin.

3.

Ikollhom mill-inqas 15-il sena esperjenza professjonali ta' wara l-lawrja f'livell li l-kwalifiki msemmija hawn fuq jagħtu aċċess għalih. Mill-inqas ħames snin minn din l-esperjenza professjonali għandhom ikunu f'funzjoni ta' konsulenza ta' livell għoli f'qasam relatat ma' din il-kariga.

Il-kandidati għandhom jindikaw b'mod ċar għal kull funzjoni ta' konsulenza ta' livell għoli t-titlu tagħha u r-rwol eżatt li jkunu eżerċitaw.

4.

Ikollhom għarfien tajjeb ħafna ta' waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għarfien adegwat ta' lingwa oħra minn fost dawn il-lingwi uffiċjali.

5.

Ikunu għadhom ma laħqux l-età tal-irtirar regolari, li għall-persunal li jidħol fis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea mill-1 ta' Jannar 2014, l-eta tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq 66 sena (Ara Art.52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal) (1).

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi:

Il-kandidati huma mitluba jikkonfermaw il-volontà tagħhom li jagħmlu dikjarazzjoni tal-impenn tagħhom li jaġixxu b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u dikjarazzjoni ta' kwalunkwe interess li jista' jiġi kkunsidrat li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

Ħatra u kundizzjonijiet tal-impjieg:

Il-Konsulent Prinċipali se jintgħażel u jinħatar mill-Kummissjoni skont il-proċeduri tagħha tal-għażla u r-reklutaġġ (ara wkoll: Id-Dokument ta' Kompilazzjoni dwar il-Politika għall-Uffiċjali b'Kariga Għolja (2)). Minn fost il-lista tal-kandidati jintgħażlu dawk li jissejħu għal intervista mill-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni għall-Ħatriet u għal ċentru ta' valutazzjoni mmexxi minn konsulenti esterni tar-reklutaġġ. Is-salarji u l-kundizzjonijiet tal-impjieg huma dawk stipulati fir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali fil-grad AD 14 tal-Unjoni Ewropea. L-applikanti għandhom jinnutaw li skont ir-Regolamenti tal-Persunal, il-persunal ġdid kollu jrid jagħmel b'suċċess perjodu ta' prova ta' disa' xhur.

Il-kandidat magħżul se jiġi rreklutat bħala uffiċjal skont it-termini tar-Regolamenti tal-Persunal.

Opportunitajiet indaqs:

L-Unjoni Ewropea tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs.

Proċedura tal-applikazzjoni:

Din il-kariga tista' tiġi ppubblikata fl-istess żmien ma' għadd ta' karigi oħrajn għal uffiċjali f'livell għoli. Il-kandidati li jixtiequ japplikaw għal iżjed minn kariga waħda jridu jressqu applikazzjoni separata għal kull kariga.

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b'attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji ta' eliġibilità kollha, b'mod partikolari rigward it-tipi ta' diploma u l-esperjenza professjonali meħtieġa.

Jekk trid tapplika, trid tirreġistra permezz tal-Internet billi tmur fil-websajt

https://ec.europa.eu/dgs/human-riżorsi/seniormanagementvacancies/

u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.

Hija responsabbiltà tiegħek li tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin (3). Tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, peress li konġestjoni qawwija fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi tterminata qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba d-data tal-iskadenza għas-sottomissjoni tar-reġistrazzjonijiet tkun għaddiet, ma tkunx tista' tirreġistra iżjed. Bħala regola ġenerali, ir-reġistrazzjoniet bil-posta elettronika jew normali li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Meta titlesta l-applikazzjoni tiegħek onlajn, tirċievi fuq l-iskrin numru ta' reġistrazzjoni. Dan ikun in-numru ta' referenza tiegħek fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw din il-proċedura ta' selezzjoni speċifika. Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tar-reġistrazzjoni jkun intemm — in-numru huwa l-konferma li d-dejta tiegħek tkun ġiet irreġistrata.

Jekk ma tirċevix numru, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Mal-applikazzjoni tiegħek ikollok tehmeż CV fil-format WORD jew PDF, u ddaħħal ittra ta' motivazzjoni online (massimu ta' 8 000 karattru). Kemm is-CV kif ukoll l-ittra ta' motivazzjoni jridu jkunu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Il-proċeduri tal-għażla ser isiru bl-Ingliż, bil-Franċiż u/jew bil-Ġermaniż biss (4).

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Il-korrispondenza kollha madwar din il-proċedura tal-għażla se ssir billi jintuża dan l-indirizz tal-posta elettronika. Għandek tinforma lill-Kummissjoni rigward kwalunkwe tibdiliet possibbli f'dan l-indirizz.

Nixtiequ niġbdulek l-attenzjon li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Il-Kummissjoni Ewropea se tikkuntattjak dwar l-istat tal-applikazzjoni tiegħek direttament.

Jekk għandek diżabbiltà li ma tippermettilekx tirreġistra onlajn, tista' tibgħat l-applikazzjoni (is-CV u l-ittra ta' motivazzjoni) fuq il-karta permezz ta' posta rreġistrata  (5) , b'timbru postali b'data li ma taqbiżx id-data meta tagħlaq ir-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F'dan il-każ, mal-applikazzjoni tiegħek trid tehmeż ċertifikat, maħruġ minn korp rikonoxxut, li jikkonferma d-diżabbiltà tiegħek. Għandek issemmi wkoll, fuq karta separata, kwalunkwe arranġamenti speċjali li taħseb li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tiegħek fis-selezzjoni.

Jekk teħtieġ aktar tagħrif u/jew tiltaqa' ma' problemi tekniċi, ibgħat email lil HR-A2-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu.

Data ta' għeluq:

Id-data ta-għeluq għar-reġistrazzjoni hi s-6 ta' Diċembru 2013. Ir-reġistrazzjoni onlajn ma tkunx possibbli wara nofsinhar (12.00), ħin ta' Brussell.


(1)  Suġġett għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għal Impjegati oħra b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

(2)  http://ec.europa.eu/civil_service/docs/official_policy_en.pdf

(3)  Mhux aktar tard min-nofsinhar (12.00), ħin ta' Brussell, is-6 ta' Diċembru 2013.

(4)  Il-bord tal-għażla se jiżgura li ma jingħata l-ebda vantaġġ lil kelliema nattivi ta' dawn it-tliet lingwi.

(5)  European Commission, Directorate-General for Human Resources and Security, Unit for Executive Staff and CCA Secretariat, COM/2013/10343, SC11 8/35,1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.