ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.221.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 221

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
1 ta' Awwissu 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

L-Assemblea Parlamentari Euronest

2013/C 221/01

Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Euronest adottati fit-3 ta’ Mejju 2011 fi Brussell, emendati fit-3 ta’ April 2012 f’Baku u fid-29 ta’ Mejju 2013 fi Brussell

1

2013/C 221/02

Regoli ta' Proċedura tal-kumitati permanenti tal-Assemblea Parlamentari Euronest adottati mill-Assemblea Parlamentari Euronest fit-3 ta’ Mejju 2011 u emendati fid-29 ta’ Mejju 2013 fi Brussell

11

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

L-Assemblea Parlamentari Euronest

1.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 221/1


REGOLI TA’ PROĊEDURA

tal-Assemblea Parlamentari Euronest adottati fit-3 ta’ Mejju 2011 fi Brussell, emendati fit-3 ta’ April 2012 f’Baku u fid-29 ta’ Mejju 2013 fi Brussell

2013/C 221/01

Artikolu 1

Natura u għanijiet

1.   L-Assemblea Parlamentari EWRONEST hija l-istituzzjoni parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant bejn l-Unjoni Ewropea u l-Imsieħba Ewropej tal-Lvant tagħha, li għaliha bħala regola jista’ japplika l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ibbażat fuq interessi u impenji reċiproċi kif ukoll fuq prinċipji ta’ divrenzjar, sjieda kondiviża u responsabilità.

2.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tkun il-forum parlamentari li jippromwovi l-kondizzjonijiet meħtieġa biex titħaffef l-assoċjazzjoni politika u tiżdied l-integrazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Imsieħba Ewropej tal-Lvant. Hija għandha tikkontribbwixxi għat-tisħiħ, l-iżvilupp u l-viżibilità tas-Sħubija tal-Lvant, bħala l-istituzzjoni responsabbli għall-konsultazzjoni, il-kontroll u l-monitoraġġ parlamentari tas-Sħubija.

3.   Il-parteċipazzjoni fl-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tkun volontarja, sakemm il-kriterji tas-sħubija stabbiliti mill-Att Kostitwenti jiġu sodisfati, u l-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha żżomm spirtu ta’ integrazzjoni u trasparenza.

4.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tappoġġja, tippromwovi u tikkonsolida f’termini prattiċi s-Sħubija tal-Lvant billi tkopri l-erba’ pjattaformi tematiċi tagħha, jiġifieri:

(a)

kwistjonijiet relatati mal-valuri fundamentali, inklużi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll kwistjonijiet relatati mal-ekonomija tas-suq, l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba;

(b)

integrazzjoni ekonomika ikbar bejn l-UE u l-Imsieħba Ewropej tal-Lvant tagħha, li tappoġġja r-riformi soċjoekonomiċi tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant, kif ukoll il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-investiment, li jwasslu għal konverġenza mal-liġijiet u l-istandards tal-UE bl-għan li jiġi stabbilit netwerk ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles li jkunu wesgħin u komprensivi;

(c)

mekkaniżmu ta’ appoġġ u sigurtà reċiproku f’dak li jirrigwarda l-enerġija, u l-armonizzazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant;

(d)

il-promozzjoni tal-kuntatti bejn il-popli u l-iffaċilitar tal-interazzjoni bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant, b’mod partikolari ż-żgħażagħ; il-promozzjoni tal-koperazzjoni kulturali u tad-djalogu interkulturali kif ukoll l-appoġġ tal-edukazzjoni, ir-riċerka, l-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni u tal-midja.

Artikolu 2

Kompożizzjoni

1.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST hija Assemblea konġunta u hija magħmula minn:

(a)

60 membru tal-Parlament Ewropew;

(b)

10 membri minn kull Parlament tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant li jieħu sehem.

2.   Il-membri tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, magħżulin mill-Parlament Ewropew u mill-Parlamenti tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant, għandhom jinħatru skont il-proċeduri stabbiliti, rispettivament, mill-Parlament Ewropew u minn kull Parlament tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant, sabiex, fejn hu possibbli, ikun rifless it-tqassim tad-diversi gruppi politiċi u d-delegazzjonijiet irrappreżentati. F’konformità mal-istess proċeduri, kull Parlament li jieħu sehem jista’ jiddeċiedi li jaħtar membri sostituti fl-Assemblea Parlamentari EURONEST.

3.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tkun organizzata abbażi ta’ delegazzjonijiet parlamentari stabbiliti miż-żewġ komponenti tagħha. Il-membri jistgħu wkoll jorganizzaw lilhom infushom fil-qafas tal-familji politiċi tagħhom fi ħdan l-Assemblea Parlamentari EURONEST.

4.   Il-Parlamenti li jieħdu sehem għandhom jippromwovu l-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa li jinħatru fl-Assemblea Parlamentari EURONEST u l-korpi tagħha.

5.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tiżgura li l-kompożizzjoni tal-korpi kollha tagħha tkun bilanċjata fir-rigward tat-tqassim tal-familji politiċi u n-nazzjonalità tal-membri.

6.   Is-siġġijiet li ma jittiħdux għandhom jibqgħu madankollu disponibbli għall-Parlament, li jkunu ġew assenjati lilu.

Artikolu 3

Responsabbiltajiet

L-Assemblea Parlamentari EURONEST hija l-forum Parlamentari għad-dibattitu, il-konsultazzjoni, is-sorveljanza u l-monitoraġġ tal-kwistjonijiet kollha dwar is-Sħubija tal-Lvant. Għal dawn ir-raġunijiet, l-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha s-setgħa li, inter alia, tadotta riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet indirizzati lis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant, lill-istituzzjonijiet u lill-Konferenzi tal-Ministri ddedikati għall-iżvilupp tas-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll lill-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijet tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant. Hija responsabbli wkoll mit-tfassil ta’ rapporti u proposti ta’ adozzjoni ta’ miżuri konkreti marbuta mad-diversi sferi ta’ attività tas-Sħubija, fuq talba tas-Samit jew tal-Konferenzi tal-Ministri.

Artikolu 4

Presidenza u Bureau

1.   Iż-żewġ komponenti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandhom jagħżlu Bureau minn fost il-membri tagħhom, b’żewġ Kopresidenti bi status indaqs (wieħed minn kull komponent tal-Assemblea Parlamentari EURONEST) u b’numru ta’ Viċi Presidenti (wieħed minn kull pajjiż tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant li jieħu sehem, li jkunu differenti mill-pajjiż tal-Kopresident rilevanti u numru indaqs mill-Parlament Ewropew). Il-proċeduri elettorali u l-mandati għandhom jiġu deċiżi minn kull komponent b’mod separat.

2.   Kull membru tal-Bureau li ma jkunx jista’ jattendi l-laqgħa tal-Bureau li jmiss jista’ jiġi sostitwit minn membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST li jappartjeni fl-istess grupp politiku fil-Parlament Ewropew jew fl-istess Delegazzjoni tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant. Il-Kopresidenti għandhom jiġu infurmati bil-miktub dwar is-sostituzzjoni qabel il-laqgħa. Jekk il-Kopresident jiġi sostitwit, is-sostitut għandu jassumi l-funzjonijiet tiegħu bħala l-membru tal-Bureau, iżda mhux dawk tal-Kopresident.

3.   Il-Bureau huwa responsabbli mill-koordinazzjoni tal-ħidmiet tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, il-monitoraġġ tal-attivitajiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha, u l-istabbiliment ta’ relazzjonijiet mas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant, mal-Konferenzi tal-Ministri u mal-Gruppi tal-Uffiċjali Għolja u l-Ambaxxaturi, kif ukoll mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u korpi oħrajn. Il-Bureau jirrappreżenta lill-Assemblea fir-relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet oħrajn.

4.   Fuq inizjattiva tal-Kopresidenti, il-Bureau għandu jiltaqa’ mill-anqas darbtejn f’sena, b’darba minnhom taħbat mas-sessjoni plenarja tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-kworum tal-Bureau jintlaħaq meta jiltaqgħu mill-anqas nofs il-membri tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant u nofs il-membri tal-Parlament Ewropew.

5.   Il-Bureau għandu jfassal l-abbozz ta’ aġenda għall-Assemblea Parlamentari EURONEST u jiffissa l-proċeduri li bihom għandha titmexxa l-Assemblea.

6.   Il-Bureau għandu jkun responsabbli f’dak li għandu x’jaqsam mal-kompożizzjoni u r-responsabilitajiet tal-kumitati u tal-gruppi ta’ ħidma. Il-Bureau għandu jkun responsabbli wkoll li jawtorizza lill-Kumitati biex ifasslu r-rapporti u l-mozzjonijiet għar-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet. Barra minn hekk, il-Bureau jista’ jressaq diversi kwistjonijiet biex jiġu eżaminati mill-Kumitati u dawn jistgħu jfasslu rapport dwar suġġett konkret.

7.   Il-Bureau għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti. Jekk xi Membru jew sostitut ta’ Membru tal-Bureau li jirrappreżenta delegazzjoni tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant jiddikkjara f’isem id-delegazzjoni tiegħu/tagħha li l-kontenut tad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Bureau se jkollu impatt fuq l-interess vitali tal-pajjiż fejn jgħix, u jipprovdi spjegazzjoni bil-miktub bid-deskrizzjoni tal-ħsara biex juri dan, ikun meħtieġ kunsens fost il-Membri tal-Bureau għall-adozzjoni. Din l-għażla tista’ tintuża biss f’każijiet eċċezzjonali meta s-sopravivenza, is-sigurtà u l-vitalità tan-nazzjon jiġu affettwati b’mod speċjali mid-deċiżjoni proposta u għandha tirrelata biss ma’ dik il-parti ta’ deċiżjoni li jkollha impatt fuq l-interessi vitali ta’ dak il-pajjiż tas-Sieħeb Ewropew tal-Lvant. Din l-għażla m’għandhiex tintuża biex tipprovoka n-nuqqas mill-Bureau li jadotta deċiżjoni sħiħa jew għal deċiżjonijiet ta’ natura teknika jew proċedurali.

Artikolu 5

Relazzjonijiet mas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant, mal-Kunsill tal-Ministri, mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Konferenzi tal-Ministri

1.   Il-Bureau għandu jifforma relazzjonijiet iktar mill-qrib fl-oqsma kollha mal-istituzzjonijiet u l-korpi tas-Sħubija tal-Lvant u mal-organizzazzjonijiet tas-Sħubija tal-Lvant. Fejn hu xieraq, l-arranġamenti prattiċi għal dik il-koperazzjoni għandhom jiġu spjegati fil-memoranda korrispondenti u l-protokolli ta’ ftehim.

2.   Ir-rappreżentanti tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant, il-Kunsill tal-Ministri, il-Kummissjoni Ewropea, u l-Konferenzi tal-Ministri ddedikati għall-iżvilupp u r-rinfurzar tas-Sħubija tal-Lvant, għandhom jiġu mistiedna mill-Bureau biex jieħdu sehem fis-sessjonijiet u l-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari EURONEST u tal-korpi tagħha.

Artikolu 6

Osservaturi

1.   Fuq proposta tal-Bureau, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ tippermetti li rappreżentanti tal-Parlamenti tat-Troika tal-UE jattendu għal-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari EURONEST bħala osservaturi.

2.   Il-Bureau jista’ jistieden ukoll rappreżentanti minn istituzzjonijiet u korpi oħrajn, kif ukoll persuni oħrajn, biex jattendu s-sessjonijiet u l-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, tal-Kumitati u tal-gruppi ta’ ħidma tagħha.

Artikolu 7

Sessjonijiet Plenarji tal-Assemblea Parlamentari EURONEST

1.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tissejjaħ mill-Kopresidenti tagħha, u bħala regola għandha tiltaqa’ darba fis-sena, u talterna l-post bejn pajjiż li jagħmel parti mill-Imsieħba Ewropej tal-Lvant u wieħed mill-postijiet ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew, fuq stedina tal-Parlament Ewropew jew tal-Parlament tas-Sieħeb Ewropew tal-Lvant li jkun qed jorganizza s-sessjoni.

2.   Fuq talba tal-Bureau, il-Kopresidenti jistgħu jsejħu sessjoni straordinarja tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.

3.   L-ewwel seduta ta’ kull sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tinfetaħ mill-President tal-Parlament Ewropew jew mill-President tal-Parlament tas- Sieħeb Ewropew tal-Lvant li jkun qed jorganizza s-sessjoni.

Artikolu 8

Presidenza tas-sessjonijiet

1.   Il-Kopresidenti għandhom jiddeċiedu flimkien min minnhom għandu jkun il-President ta’ kull sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-President jista’ jagħżel li jiġi ssostitwit f’din il-kariga minn Kopresident ieħor jew minn Viċi President matul is-sessjoni.

2.   Il-President jiftaħ, jissospendi u jagħlaq is-seduti. Huwa/Hija għandu/għandha j/tiżgura li r-Regoli ta’ Proċedura jiġu osservati, iżomm/iżżomm l-ordni, j/tgħaddi l-kelma, j/tillimita l-ħin tal-kelliema, i/tressaq il-kwistjonijiet għall-votazzjoni u j/tħabbar ir-riżultat tal-votazzjonijiet.

3.   Il-President għandu jiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jitfaċċaw fis-sessjonijiet, inklużi dawk li ma kinux previsti fir-Regoli ta’ Proċedura. F’każ ta’ bżonn, huwa/hija j/tista’ j/tikkonsulta lill-Bureau.

4.   Il-President jista’ jitkellem f’dibattitu biex jippreżenta suġġett jew biex jitlob għall-ordni biss. Jekk huwa/hija j/tixtieq j/tipparteċipa f’dibattitu, hu/hi ma j/tistax j/tibqa’ president u għandu/għandha jċedi/ċċedi postu/postha lil Kopresident ieħor jew lil Viċi President.

Artikolu 9

Aġenda

1.   Il-Kopresidenti għandhom iressqu l-abbozz tal-aġenda għas-sessjoni plenarja, stabbilit mill-Bureau, quddiem l-Assemblea Parlamentari EURONEST għall-approvazzjoni tagħha.

2.   Fl-abbozz ta’ aġenda ta’ kull sessjoni plenarja għandhom jiddaħħlu żewġ kategoriji ta’ suġġetti:

(a)

ir-rapporti mressqa mill-kumitati permanenti; in-numru tagħhom għandu jkun limitat, fil-prinċipju, għal rapport wieħed f’kull sessjoni plenarja għal kull kumitat. Il-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni, li jistgħu jkunu wkoll inklużi f’rapport, għandhom jitressqu erba’ ġimgħat qabel ma tibda s-sessjoni plenarja. Il-perjodu massimu ta’ żmien allokat għall-mozzjonijiet għar-riżoluzzjoni huwa stipulat fl-Anness II tar-Regoli ta’ Proċedura. Il-Bureau jista’ jiddeċiedi, fuq talba mill-Kopresidenti tal-Kumitati, kemm-il rapport se jiġi vvotat għal kull sessjoni skont il-progress tax-xogħol għat-tħejjija tar-rapporti.

(b)

it-temi urġenti proposti minn Kumitat Permanenti jew preżentati mill-Bureau innifsu; it-temi urġenti għandhom jiġu inklużi biss fuq bażi eċċezzjonali u ma jistax ikun hemm iktar minn tlieta f’kull sessjoni;

3.   Mill-inqas 10 membri tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, minn mill-inqas żewġ delegazzjonijiet, jew grupp politiku fil-Parlament Ewropew jistgħu iressqu mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar kwistjoni urġenti. Il-mozzjonijiet għar-riżoluzzjonijiet dwar kwistjonijiet urġenti għandhom ikunu limitati għall-kwistjonijiet urġenti mniżżla fl-aġenda tas-sessjoni u m’għandhomx ikunu itwal minn 1 000 kelma. Il-mozzjonijiet għar-riżoluzzjonijiet dwar temi urġenti għandhom jitressqu 48 siegħa qabel ma tibda s-sessjoni plenarja li matulha jkunu se jiġu diskussi u vvotati.

4.   Il-mozzjonijiet għar-riżoluzzjonijiet dwar temi urġenti għandhom jitressqu lill-Bureau, li għandu jivverifika li kull waħda minnhom tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3, titniżżel fl-aġenda u hija disponibbli fil-lingwi ta’ ħidma tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-proposti tal-Bureau għandhom jitressqu għall-approvazzjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.

Artikolu 10

Kworum

1.   Il-kworum tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jintlaħaq meta jiltaqgħu mill-anqas terz tal-membri tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant u terz tal-membri tal-Parlament Ewropew.

2.   Il-votazzjonijiet kollha għandhom ikunu validi ikun xi jkun in-numru ta’ votanti, ħlief jekk il-President, fuq talba li ssir qabel tibda l-votazzjoni minn mhux inqas minn 15-il Membru preżenti, jara fil-ħin tal-votazzjoni li ma hemmx kworum. Jekk il-votazzjoni turi li ma hemmx kworum, il-votazzjoni għandha titqiegħed fl-aġenda tas-seduta li jkun imiss.

Artikolu 11

Ordni tal-postijiet

1.   Il-membri kollha għandhom ipoġġu f’ordni alfabetiku, skont l-isem, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom. Il-Bureau għandu jpoġġi fuq quddiem.

2.   Ir-rappreżentanti tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant, tal-Kunsill tal-Ministri, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Konferenzi tal-Ministri u l-osservaturi għandhom ipoġġu f’post separat mill-membri l-oħrajn.

Artikolu 12

Lingwi uffiċjali u ta’ ħidma

1.   Il-lingwi uffiċjali tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-lingwi uffiċjali tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant. Il-lingwi ta’ ħidma għandhom ikunu l-Ingliż, il-Ġermaniż, il-Franċiż u r-Russu. Fi kwalunkwe post ta’ ħidma, kwalunkwe appoġġ lingwistiku mitlub biex jiġi żgurat li kull membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST ikun jista’ jipparteċipa bis-sħiħ fil-proċeduri tagħha jista’ jingħata mis-servizzi rilevanti tal-Parlament Ewropew, sakemm il-Parlament tal-pajjiż li jkun qed jorganizza l-laqgħa jaqbel.

2.   Il-Parlament li jkun qed jorganizza l-laqgħa għandu jagħmel id-dokumenti ta’ ħidma disponibbli għall-membri tal-Assemblea Parlamentari EURONEST bil-lingwi kollha ta’ ħidma tagħha u, fejn hu possibbli, fil-lingwi uffiċjali kollha.

3.   Bħala regola, u sa fejn hu possibbli, il-membri kollha jistgħu jintervjenu fid-dibattiti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST b’waħda mil-lingwi uffiċjali tagħha. It-taħditiet għandhom ikunu interpretati fil-lingwi ta’ ħidma tal-Assemblea Parlamentari EURONEST u, unikament jekk ikun possibbli skont il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Multilingwaliżmu tal-Parlament Ewropew, fil-lingwi uffiċjali rilevanti tal-Unjoni Ewropea meta l-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari EURONEST isiru f’wieħed mill-postijiet ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew.

4.   Il-laqgħat tal-Kumitati u, fejn hu xieraq, tal-gruppi ta’ ħidma, kif ukoll is-seduti ta’ smigħ, għandhom isiru fil-lingwi ta’ ħidma, mingħajr ħsara għall-possibilitajiet previsti fir-Regoli ta’ Proċedura.

5.   It-testi adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST għandhom jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u mill-Parlamenti tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant fil-lingwi uffiċjali tagħhom, bil-mod li kull wieħed minnhom iqis li jkun jixraq.

Artikolu 13

Natura pubblika tad-dibattiti

Is-sessjonijiet tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandhom ikunu pubbliċi, għajr jekk hija stess tiddeċiedi mod ieħor.

Artikolu 14

Dritt li persuna titkellem

1.   Membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jista’ jitkellem bl-awtorizzazzjoni minn qabel tal-President.

2.   Ir-rappreżentanti tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant, tal-Kunsill tal-Ministri, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Konferenzi tal-Ministri u l-osservaturi jistgħu jitkellmu meta jiġu awtorizzati jagħmlu dan mill-President.

3.   Jekk kelliem joħroġ barra mis-suġġett, il-President tas-sessjoni għandu jitolbu sabiex jirregola ruħu. Jekk il-kelliem/a j/tkompli, il-President jista’ ma jħallihx/jħallihiex j/titkellem għal tul ta’ ħin li jqis xieraq.

Artikolu 15

Punti ta' ordni

1.   Membru jista’ jressaq punt ta’ ordni jew mozzjoni ta’ proċedura u għandu jkollu d-dritt li jitkellem minn qabel, għal mhux aktar minn żewġ minuti.

2.   Jekk Membru jitlob li jintervieni kontra l-mozzjoni mressqa, il-President jista’ jħallih jitkellem għal mhux aktar minn żewġ minuti.

3.   L-ebda kelliema oħra m’għandhom jitkellmu.

4.   Il-President għandu jħabbar id-deċiżjoni tiegħu/tagħha dwar il-punt ta’ ordni jew dwar il-mozzjoni ta’ proċedura. F’każ ta’ bżonn, huwa/hija j/tista’ j/tikkonsulta lill-Bureau.

Artikolu 16

Drittijiet tal-vot u proċeduri ta’ votazzjoni

1.   Kull membru bi dritt għall-vot għandu jkollu vot wieħed, personali u mhux trasferibbli.

2.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tivvota elettronikament. Jekk il-votazzjoni elettronika ma tkunx possibbli, l-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tivvota b’turija tal-idejn. Jekk ir-riżultat tal-votazzjoni bit-turija tal-idejn ikun dubjuż, għandha ssir votazzjoni mill-ġdid bl-użu tal-karti kkuluriti.

3.   L-għadd tal-voti għandu jsir mill-Kummissjoni tal-Għadd, li se tkun tikkonsisti f’żewġ partijiet indaqs ta’ rappreżentanti ta’ segretarjati taż-żewġ komponenti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-Kummissjoni tal-Għadd għandha tinħatar mill-Bureau qabel il-bidu ta’ kull sessjoni u għandha tirrapporta r-riżultat tal-għadd tal-voti direttament lill-Kopresidenti.

4.   B’talba bil-miktub ta’ mill-anqas 15-il membru mressqa qabel is-6 p.m. tal-ġurnata qabel il-votazzjoni, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ tiddeċiedi li tivvota permezz ta’ votazzjoni sigrieta.

5.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha b’maġġoranza sempliċi tal-membri li jkunu ħadu sehem fil-votazzjoni. Jekk titressaq talba għal votazzjoni minn komponenti separati qabel ma tibda l-votazzjoni, minn mill-inqas wieħed minn kull għaxar membri li jagħmlu parti minn mill-inqas żewġ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jew jagħmlu parti tal-anqas minn żewġ delegazzjonijiet mill-komponent tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, għandu jittieħed vot li fih ir-rappreżentanti tal- komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant u r-rappreżentanti tal-komponent tal-Parlament Ewropew għandhom jivvotaw b’mod separat, għalkemm fl-istess ħin. It-test inkwistjoni għandu jitqies adottat jekk tinkiseb maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa b’mod separat fiż-żewġ komponenti.

Artikolu 17

Riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari EURONEST

1.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ tadotta riżoluzzjonijiet u tressaq rakkomandazzjonijiet indirizzati lis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant u lill-istituzzjonijiet, korpi, gruppi u Konferenzi tal-Ministri ddedikati għat-tisħiħ tas-Sħubija tal-Lvant jew indirizzati lill-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant, dwar kwistjonijiet relatati mad-diversi ambiti tas-Sħubija.

2.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tivvota għal mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet inklużi fir-rapporti ppreżentati mill-kumitati permanenti.

3.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tivvota wkoll, fejn hu xieraq, dwar il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet dwar kwistjonijiet urġenti.

4.   Jekk ikun meħtieġ, il-President għandu jistieden lill-awturi tal-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet dwar kwistjonijiet urġenti simili biex ifasslu mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta. Wara d-dibattitu, l-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha l-ewwel tivvota għal kull waħda minn dawn il-mozzjonijiet u għall-emendi korrispondenti. Ladarba titressaq riżoluzzjoni konġunta, il-mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet l-oħra kollha mressqa dwar l-istess suġġett mill-istess awturi għandhom jaqgħu. B’mod simili, ladarba tkun ġiet adottata riżoluzzjoni konġunta, it-testi l-oħra kollha dwar dik il-kwistjoni għandhom jaqgħu. F’każ li ma tiġi adottata l-ebda riżoluzzjoni konġunta, għandhom jiġu vvutati l-bqija tal-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni fl-ordni tat-tressiq tagħhom.

Artikolu 18

Messaġġi għal-laqgħat tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant

Il-Bureau tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandu jressaq messaġġ għas-samit, jew, jekk ikun meħtieġ għal-Laqgħa Ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant, imfassal abbażi tar-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-messaġġ għandu jintbagħat lill-istituzzjonijiet rilevanti b’mod konġunt mill-Kopresidenti.

Artikolu 19

Stqarrijiet

Il-Bureau jista’ jilħaq qbil b’mod urġenti dwar stqarrijiet relatati ma’ kull kwistjoni relatata mas-Sħubija tal-Lvant u bħala rispons f’każ ta’ emerġenzi naturali, kriżijiet jew konflitti li jinħolqu, li fihom titqies utli jew tinħass il-ħtieġa li ssir sejħa istituzzjonali li tħeġġeġ lil dawk involuti biex joqogħdu lura milli jirrikorru għall-vjolenza u/jew jagħmlu negozjati politiċi, jew li tħeġġeġ is-solidarjetà mal-persuni u l-pajjiżi milquta. Tali stqarrijiet għandhom jissejsu fuq kwalunkwe riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet eżistenti adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST u għandhom jintbagħtu mill-aktar fis possibbli lill-Membri kollha tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għal skopijiet ta’ informazzjoni. L-istqarrijiet għandhom jiġu ppubblikati mill-Kopresidenti.

Artikolu 20

Emendi

1.   L-emendi tat-testi diskussi fis-sessjoni għandhom jitressqu minn mill-anqas 5 Membri tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jew minn grupp politiku kif imsemmi fl-Artikolu 2.3. L-emendi għandhom jirreferu għat-test li jkunu qed jippruvaw jemendaw u għandhom jitressqu bil-miktub. Il-Bureau jista’ jiddeċiedi li l-emenda hija inammissibbli, abbażi ta’ dawn il-kriterji.

2.   L-iskadenza għat-tressiq tal-emendi għandha tiġi mħabbra fil-bidu tas-sessjoni.

3.   Matul il-votazzjoni, l-emendi għandu jkollhom prijorità fuq it-test li jirreferu għalih.

4.   Meta jitressqu żewġ emendi jew iktar dwar l-istess parti tat-test, l-ewwel għandha titressaq għall-votazzjoni dik l-emenda li bil-kontenut tagħha titbiegħed l-aktar mit-test oriġinali. Jistgħu jittieħdu biss l-emendi orali li jikkoreġu żbalji fattwali jew lingwistiċi. L-ebda emendi orali oħra m’għandhom jittieħdu.

5.   L-Assemblea m’għandha tikkunsidra l-ebda emenda (inklużi l-emendi orali) li dwarha tkun tqajmet oġġezzjoni ta’ interess vitali.

Artikolu 21

Mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub

1.   Kwalunkwe Membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jista’ jagħmel mistoqsijiet li jitolbu tweġiba bil-miktub lill-korpi ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant, lill-Presidenza fil-kariga tas-Samit, lill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea jew lill-Kummissjoni Ewropea.

2.   Dawn il-mistoqsijiet għandhom jirrigwardaw is-Sħubija tal-Lvant u b’mod partikolari l-erba’ pjattaformi tematiċi tagħha. Dawn il-mistoqsijiet għandhom jiġu sottomessi bil-miktub lill-Bureau li, f’każ li jikkunsidrahom ammissibbli, għandu jgħaddihom lill-korpi rilevanti, billi jitlob b’mod ċar li jwieġbu bil-miktub fi żmien xahrejn mid-data meta l-mistoqsija tkun tressqet.

Artikolu 22

Mistoqsijiet li jitolbu risposta orali

1.   F’kull sessjoni għandu jiġi allokat ħin għall-mistoqsijiet għall-korpi ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant, għall-Presidenza fil-kariga tas-Samit, għall-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea u għall-Kummissjoni Ewropea, fil-ħin li jiddeċiedi l-Bureau b’tali mod li tkun żgurata l-preżenza tal-istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq fl-ogħla livell.

2.   Kull membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jista’ jressaq mistoqsija waħda biss li titlob tweġiba orali. Dawn il-mistoqsijiet għandhom jirrigwardaw is-Sħubija tal-Lvant u b’mod partikolari l-erba’ pjattaformi tematiċi tagħha. Fil-każ ta’ mistoqsija li titressaq minn bosta membri, membru wieħed biss għandu jingħata d-dritt li jitkellem sabiex iressaqha bil-fomm. Il-mistoqsijiet, li m’għandhomx jaqbżu l-100 kelma, għandhom jitressqu bil-miktub lill-Bureau sal-iskadenza ffissata minnu. Il-Bureau għandu jiddeċiedi jekk humiex ammissibbli jew le. B’mod partikolari, il-Bureau għandu jiddikjara inammissibbli l-mistoqsijiet relatati mat-temi li diġà huma inklużi fl-aġenda tas-sessjoni. Il-mistoqsijiet iddikjarati ammissibbli għandhom jintbagħtu lill-istituzzjonijiet rilevanti. Il-Kopresidenti għandhom jiddeċiedu l-ordni li fih se jkunu trattati l-mistoqsijiet orali u l-awturi tal-mistoqsijiet għandhom ikunu infurmati bid-deċiżjoni tagħhom.

3.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST ma għandhiex tiddedika iktar minn sagħtejn kull sessjoni għall-eżaminazzjoni tal-mistoqsijiet b’talba għal risposta orali. Il-mistoqsijiet li ma jistgħux jingħataw tweġiba minħabba n-nuqqas ta’ ħin għandhom jirċievu tweġiba bil-miktub, sakemm l-awturi tagħhom ma jirtirawhomx. Mistoqsija orali tista’ tingħata tweġiba biss jekk l-awtur tagħha jkun preżenti.

4.   Il-korpi ministerjali tas-Sħubija tal-Lvant, il-Presidenza fil-kariga tas-Samit, il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jintalbu li jwieġbu fil-qosor għall-mistoqsijiet. Fuq talba ta’ mill-inqas 20 Membru jew aktar tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, ir-risposta tista’ twassal għal dibattitu. Il-President għandu jistabbilixxi l-limitu taż-żmien għal dan id-dibattitu.

Artikolu 23

Talba għall-opinjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST

Fuq talba tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant, il-konferenzi ministerjali, il-Kummissjoni Ewropea jew istituzzjonijiet oħra rilevanti tal-UE jew tas-Sħubija tal-Lvant, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’, fuq rakkomandazzjoni tal-Bureau, tiddeċiedi li tfassal opinjonijiet u proposti għall-adozzjoni ta’ miżuri konkreti dwar id-diversi sferi ta’ attività tas-Sħubija tal-Lvant. F’dawn il-każijiet, it-talba għandha titressaq quddiem il-Bureau, li flimkien ma’ rakkomandazzjoni, għandu jressaqha quddiem l-Assemblea Parlamentari EURONEST.

Artikolu 24

Minuti tal-proċedimenti

L-abbozz tal-minuti tas-sessjonijiet plenarji u dawk tal-laqgħat tal-Bureau, tal-kumitati permanenti u tal-gruppi ta’ ħidma, flimkien mar-reġistri tal-attendenza u t-testi tad-deċiżjonijiet adottati, għandhom jiġu ppreparati u jinżammu mis-Segretarjat tad-Delegazzjoni li jkun qed jospita s-sessjonijiet u l-laqgħat. Mat-tlestija, id-Delegazzjonijiet l-oħra se jirċievu kopja ta’ dan l-abbozz tal-minuti.

Artikolu 25

Kumitati permanenti

1.   Sabiex teżamina l-aspetti konkreti tas-Sħubija tal-Lvant aktar fid-dettall, l-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha twaqqaf l-erba’ kumitati permanenti li ġejjin:

il-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

il-Kumitat għall-Integrazzjoni Ekonomika, l-Approssimazzjoni Legali u l-Konverġenza mal-Politiki tal-UE;

il-Kumitat għas-Sigurtà tal-Enerġija;

il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, l-Edukazzjoni, il-Kultura u s-Soċjetà Ċivili.

2.   F’konformità mal-arranġamenti ġenerali għall-funzjonament tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, il-kumitati permanenti għandhom ikunu magħmula minn membri tal-Assemblea, f’konformità mal-Artikolu 2, u għandhom jaħdmu b’mod strettament ugwali. Is-setgħat, ir-responsabilitajiet, is-sħubija u l-proċeduri tal-kumitati permanenti huma stipulati fl-Anness I.

3.   Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST fuq proposta tal-Bureau.

Artikolu 26

Kumitati temporanji u ta’ segwitu

Fi kwalunkwe ħin, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ twaqqaf, fuq proposta tal-Bureau jew tal-membri tal-Assemblea, inklużi mill-anqas terz tal-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant u terz tal-komponent tal-Parlament Ewropew, Kumitati temporanji u ta’ sewgitu, filwaqt li tistabbilixxi r-responsabilitajiet tagħhom, il-kompożizzjoni u l-mandat fil-ħin li tiġi adottata d-deċiżjoni li jitwaqqfu. Żewġ Kumitati biss ta’ dan it-tip jistgħu jaħdmu fl-istess ħin. Il-kumitati ta’ segwitu għandhom massimu ta’ sena sabiex jispiċċaw ħidmiethom, u f’każijiet speċjali dan il-perjodu jista’ jiġi estiż b’6 xhur oħra.

Artikolu 27

Gruppi ta’ ħidma u seduti ta’ smigħ

1.   Il-Bureau jista’ jiddeċiedi li jwaqqaf gruppi ta’ ħidma dwar aspett speċifiku tas-Sħubija tal-Lvant jew li jibgħat missjonijiet ta’ sejbien tal-fatti f’pajjiżi Imsieħba Ewropej tal-Lvant jew pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jew f’organizzazzjonijiet internazzjonali, fil-limiti tal-baġit. Fiż-żewġ każijiet, il-Bureau għandu jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni, ir-responsabilitajiet u l-kompożizzjoni tagħhom. Dawn il-gruppi ta’ ħidma jew missjonijiet jistgħu jiġu inkarigati jfasslu rapporti u mozzjonijiet għal riżoluzzjonijiet jew rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikomplu joperaw sakemm l-Assemblea Parlamentari EURONEST tiddeċiedi mod ieħor. In-numru ta’ membri ta’ grupp ta’ ħidma għandu jkun 10 (5 membri minn kull komponent).

2.   Bil-għan li tikseb fehim akbar bejn il-popli tal-Unjoni Ewropea u dawk li jagħmlu parti mill-Imsieħba Ewropej tal-Lvant, u li trawwem l-għarfien tal-pubbliku dwar kwistjonijiet marbuta mas-Sħubija tal-Lvant, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ torganizza seduti ta’ smigħ b’mod regolari. Dawn il-laqgħat għandhom jiġu organizzati taħt ir-responsabilità tal-Bureau u għandhom jistiednu persuni li jistgħu jinfurmaw lill-Assemblea Parlamentari EURONEST dwar is-sitwazzjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali ta’ tħassib.

Artikolu 28

Relazzjonijiet mal-Kumitati Parlamentari Konġunti (KPK) u Delegazzjonijiet

1.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tistieden lill-Kumitati Parlamentari Konġunti (KPK) u lid-delegazzjonijiet, li twaqqfu skont il-Ftehimiet fis-seħħ, u lil kwalunkwe kumitat jew delegazzjoni oħra li jistgħu jinħolqu sussegwentement, biex jikkollaboraw f’xogħolha.

2.   Din l-istedina tista’ tinkludi, b’mod partikolari, il-laqgħa tal-Kumitati Parlamentari Konġunti (KPK) u d-delegazzjonijiet li jkunu jeżistu matul is-sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.

Artikolu 29

Finanzjament tal-ispejjeż ta’ organizzazzjoni, parteċipazzjoni, interpretazzjoni u traduzzjoni

1.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 12.1, il-Parlament li jorganizza sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, laqgħa tal-Bureau, jew laqgħa tal-Kumitati jew tal-gruppi ta’ ħidma għandu jkun responsabbli għall-arranġamenti prattiċi tal-organizzazzjoni tas-sessjoni jew tal-laqgħa.

2.   Fuq proposta tal-Bureau, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ tirrakkomanda li għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-bqija tal-Parlamenti biex ikopru n-nefqa għall-organizzazzjoni ta’ sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jew ta’ laqgħa ta’ Kumitat jew grupp ta’ ħidma.

3.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar, tas-sussistenza u tat-trasport lokali ta’ kull parteċipant għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni li tagħha jkun membru.

4.   L-ispejjeż għall-organizzazzjoni għandu jkoprihom il-Parlament li jorganizza sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, laqgħa tal-Bureau, jew laqgħa ta’ wieħed mill-Kumitati jew gruppi ta’ ħidma, skont id-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafi li ġejjin.

5.   Meta sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, laqgħa tal-Bureau, jew ta’ wieħed mill-Kumitati jew grupp ta’ ħidma ssir fil-postijiet ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew, dan għandu, mingħajr ħsara għall-Artikolu 12.1 u minħabba d-diversità lingwistika tiegħu stess, jipprovdi interpretazzjoni fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont x’teħtieġ kull laqgħa u skont il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Multilingwiżmu tal-Parlament Ewropew.

6.   Meta sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, laqgħa tal-Bureau, jew laqgħa ta’ wieħed mill-Kumitati jew tal-grupp ta’ ħidma ssir lil hinn mill-postijiet ta’ ħidma tal-Parlament Ewropew, dan għandu, mingħajr ħsara għall-Artikolu 12.1, u minħabba d-diversità lingwistika tiegħu, jipprovdi interpretazzjoni biss fil-lingwi ta’ ħidma tal-Assemblea Parlamentari EURONEST u fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li għandhom jintużaw mill-membri tal-Parlament Ewropew skont il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-Multilingwaliżmu tal-Parlament Ewropew.

7.   Il-Parlament Ewropew għandu jieħu r-responsabilità tat-traduzzjoni tad-dokumenti uffiċjali adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Jekk il-Parlamenti tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant jaqblu, u minħabba d-diversità lingwistika tagħha, l-istituzzjoni msemmija għandha wkoll tieħu r-responsabilità tat-traduzzjoni fil-lingwi ta’ ħidma tal-Assemblea Parlamentari EURONEST tad-dokumenti li jkunu saru waqt it-tħejjija għal-laqgħat jew matul il-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari EURONEST u tal-korpi tagħha. Il-Parlamenti tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant għandhom jieħdu r-responsabilità tat-traduzzjoni tad-dokumenti uffiċjali adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST għal-lingwi uffiċjali rispettivi ta’ pajjiżhom.

Artikolu 30

Segretarjat

1.   L-Assemblea Parlamentari EURONEST għandha tkun megħjuna fil-preparazzjoni u l-operazzjoni bla xkiel tal-ħidma tal-Assemblea minn Segretarjat magħmul minn uffiċjali meħuda minn kull wieħed miż-żewġ komponenti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.

Is-Segretarjat għandu jipprovdi assistenza lis-sessjonijiet plenarji, lill-Bureau, lill-kumitati u lill-gruppi ta’ ħidma. Sabiex jiggarantixxu assistenza professjonali u imparzjali lill-Assemblea, iż-żewġ komponenti se jiffaċilitaw il-kooperazzjoni mill-qrib u l-bini ta’ kapaċitajiet, kif ukoll skambju reċiproku ta’ esperjenza professjonali bejn il-komponenti varji tas-Segretarjat.

2.   Is-salarji u spejjeż oħra tal-membri tas-Segretarjat għandhom jitħallsu mill-Parlamenti rispettivi tagħhom.

3.   Il-Parlament li jorganizza sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST jew laqgħa ta’ Kumitat għandu jipprovdi għajnuna fl-organizzazzjoni tas-sessjoni jew tal-laqgħa inkwistjoni.

Artikolu 31

Interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

Il-Kopresidenti - jew fuq talba tagħhom, il-Bureau - għandhom jiddeċiedu fuq kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura.

Artikolu 32

Emendi għar-Regoli ta' Proċedura

1.   L-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST abbażi tal-proposti tal-Bureau.

2.   L-emendi għandhom jiġu adottati minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti. Jekk titressaq talba għal votazzjoni minn komponenti separati qabel ma tibda l-votazzjoni, minn minimament wieħed minn kull għaxar membri li jagħmlu parti tal-anqas minn żewġ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jew jagħmlu parti tal-anqas minn żewġ delegazzjonijiet mill-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, għandha ssir votazzjoni li fiha r-rappreżentanti tal-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant u r-rappreżentanti tal-komponent tal-Parlament Ewropew għandhom jivvutaw b’votazzjoni separata. It-test inkwistjoni għandu jitqies adottat jekk tinkiseb maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa b’mod separat fiż-żewġ komponenti.

3.   Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, meta jittieħed il-vot, l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tas-sessjoni wara li jiġu adottati.


ANNESS I

SETGĦAT, RESPONSABILITAJIET, SĦUBIJA U PROĊEDURI TAL-KUMITATI PERMANENTI

Artikolu 1

Għandhom jitwaqqfu erba’ kumitati parlamentari permanenti bis-setgħat u r-responsabilitajiet li ġejjin:

il-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

il-Kumitat għall-Integrazzjoni Ekonomika, l-Approssimazzjoni Legali u Konverġenza mal-Politiki tal-UE;

il-Kumitat għas-Sigurtà tal-Enerġija;

il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, l-Edukazzjoni, il-Kultura u s-Soċjetà Ċivili.

Dan il-kumitat għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet li ġejjin:

1.

l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet demokratiċi stabbli, kwistjonijiet ta’ governanza u r-rwol tal-partiti politiċi;

2.

il-promozzjoni ta’ djalogu politiku, ta’ miżuri multilaterali ta’ tisħiħ tal-fiduċja u l-kontribut biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-konflitti;

3.

ir-relazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali oħra u ma’ assemblej parlamentari għal kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan it-termini ta’ referenza tiegħu;

4.

il-paċi, is-sigurtà, l-istabilità;

5.

l-istandards elettorali, ir-regolazzjoni tal-midja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Dan il-kumitat għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet li ġejjin:

1.

il-monitoraġġ tar-relazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u kummerċjali bejn l-UE u l-Imsieħba Ewropej tal-Lvant, ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet reġjonali;

2.

ir-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti (u speċifikament mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ) u mal-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-integrazzjoni ekonomika u kummerċjali fuq livell reġjonali;

3.

il-miżuri tekniċi ta’ armonizzazzjoni jew ta’ standardizzazzjoni fis-setturi koperti minn strumenti legali internazzjonali;

4.

il-kwistjonijiet dwar l-iffinanzjar tas-Sħubija, inkluż is-segwitu tal-implimentazzjoni tal-faċilitajiet tal-Bank Ewropew tal-Investiment u strumenti u mekkaniżmi oħra tal-istess tip;

5.

l-iżvilupp soċjali u tal-bniedem, kif ukoll l-infrastrutturi u s-servizzi soċjali, inklużi l-kwistjonijiet dwar is-saħħa;

6.

il-migrazzjoni u l-iskambji bejn il-persuni;

7.

l-iżvilupp sostenibbli, ir-riżorsi naturali, it-tisħin globali u l-politika tal-enerġija;

8.

il-governanza tal-ambjent, l-investiment f’kuntest reġjonali, it-tibdil fil-klima;

9.

it-tħaffif tal-interkonnessjoni tan-netwerks tat-trasport u t-telekomunikazzjonijiet;

10.

l-armonizzazzjoni tal-ambjent regolatorju.

11.

Il-koperazzjoni transkonfinali

Dan il-kumitat għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet li ġejjin:

1.

il-monitoraġġ tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ appoġġ u sigurtà reċiproku f’dak li jirrigwarda l-enerġija;

2.

l-appoġġ għat-tisħiħ tal-kuntatti fir-rigward tas-sigurtà tal-enerġija u tat-tħejjija għall-kriżijiet tal-enerġija;

3.

l-appoġġ tax-xogħol li jsir minn grupp ta’ esperti dwar is-sigurtà tal-enerġija;

4.

il-monitoraġġ tal-armonizzazzjoni tal-politiki u l-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija tal-imsieħba u d-diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista u tat-tranżitu;

5.

l-appoġġ għall-ħolqien ta’ suq tal-enerġija interkonness u diversifikat.

Dan il-kumitat għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet li ġejjin:

1.

il-promozzjoni tal-koperazzjoni fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni u r-relazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet u l-aġenziji internazzjonali relevanti;

2.

il-kwistjonijiet dwar iż-żgħażagħ u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

3.

il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-soċjetà tal-informazzjoni u r-rwol tal-midja;

4.

l-appoġġ tal-koperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni, it-tagħlim tal-lingwi, iż-żgħażagħ u r-riċerka;

5.

ir-relazzjonijiet mal-Forum tas-Soċjetà Ċivili u mal-NGOs mill-UE u l-Imsieħba Ewropej tal-Lvant;

6.

il-promozzjoni tal-koperazzjoni kulturali u tad-djalogu interkulturali.

Artikolu 2

1.   Kull wieħed mill-kumitati permanenti m’għandux ikun fih iktar minn 30 membru u kemm jista’ jkun għandu jkun magħmul minn l-istess numru ta’ Membri miż-żewġ komponenti u jirrifletti l-kompożizzjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Id-daqs u l-kompożizzjoni tal-kumitati għandhom jiġu deċiżi mill-Assemblea Parlamentari EURONEST fuq proposta tal-Bureau.

2.   Kull membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandu jkollu d-dritt li jkun membru ta’ wieħed mill-kumitati permanenti. F’każijiet eċċezzjonali, membru jista’ jkun membru ta’ żewġ kumitati permanenti.

3.   Il-membri jinħatru skont il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti minn kull Parlament b’tali mod li jirriflettu kemm jista’ jkun id-distribuzzjoni tad-diversi gruppi politiċi u delegazzjonijiet irrappreżentati, rispettivament, fil-Parlament Ewropew u fil-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant.

Artikolu 3

1.   Kull kumitat għandu jaħtar Bureau minn fost il-membri tiegħu li jkun jikkonsisti f’żewġ Kopresidenti tal-istess status (wieħed minn kull naħa tal-Assembela Parlamentari EURONEST) u f’erba’ Viċi Kopresidenti (tnejn minn kull komponent tal-Assemblea Parlamentari EURONEST), li fir-rigward tiegħu kull komponent għandu jiddeċiedi dwar il-proċeduri elettorali u l-mandati.

2.   Il-Kopresidenti għandhom jiddeċiedu flimkien min minnhom għandu jippresiedi f’kull laqgħa tal-Kumitat.

3.   Il-kumitati jistgħu jaħtru “rapporteurs” sabiex jeżaminaw il-kwistjonijiet konkreti li jaqgħu fil-kompetenza tagħhom u għandhom jippreparaw rapporti li għandhom jiġu sottomessi lill-Assemblea Parlamentari EURONEST, wara l-approvazzjoni tal-Bureau, bi qbil mar-Regoli ta’ Proċedura.

4.   Il-kumitati permanenti jistgħu jiddiskutu l-punti tal-aġenda tagħhom mingħajr rapport u jistgħu javżaw bil-miktub lill-Bureau li dawn il-punti jkunu ġew diskussi.

5.   Il-kumitati għandhom jagħtu rendikont tal-attivitajiet tagħhom lill-Assemblea Parlamentari EURONEST.

Artikolu 4

1.   Il-kumitati għandhom jiltaqgħu meta jissejħu mill-Kopresidenti tagħhom, u għandhom jorganizzaw mill-anqas żewġ laqgħat fis-sena, b’waħda minnhom issir matul is-sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.

2.   Kwalunkwe membru jista’ jressaq emendi sabiex jiġu eżaminati fil-kumitat.

3.   F’dak li għandu x’jaqsam mal-proċedura, ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandhom japplikaw bit-tibdiliet magħmula għal-laqgħat tal-kumitat. B’mod partikolari, kworum f’kumitat jintlaħaq meta jiltaqgħu mill-anqas terz tal-membri minn kull komponent.

4.   Il-laqgħat kollha għandhom ikunu pubbliċi, sakemm kumitat ma jiddeċidix mod ieħor.


ANNESS II

IT-TUL TAT-TESTI

Il-limiti massimi li ġejjin għandhom japplikaw għat-testi mressqa għat-traduzzjoni u għar-riproduzzjoni:

noti spjegattivi, dokumenti ta’ ħidma ta’ tħejjija u minuti tal-gruppi ta’ ħidma u missjonijiet ta’ sejbiet ta’ informazzjoni: 6 paġni;

mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li jinsabu fir-rapporti u dwar kwistjonijiet urġenti: 4 paġni, inklużi l-premessi, iżda minbarra l-kunsiderazzjonijiet.

Bil-kelma paġna nifhmu test ta’ 1 500 karattru stampat mingħajr ma jingħaddu l-ispazji.

Dan l-Anness jista’ jiġi emendat mill-Bureau.


1.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 221/11


REGOLI TA' PROĊEDURA

tal-kumitati permanenti tal-Assemblea Parlamentari Euronest adottati mill-Assemblea Parlamentari Euronest fit-3 ta’ Mejju 2011 u emendati fid-29 ta’ Mejju 2013 fi Brussell

2013/C 221/02

Skont l-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari EURONEST u b’kunsiderazzjoni għall-proposta mill-Bureau, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti.

Artikolu 1

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta’ ħidma komuni għall-erba’ kumitati permanenti kollha tal-Assemblea Parlamentari EURONEST (minn hawn 'il quddiem: il-kumitati):

il-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija;

il-Kumitat għall-Integrazzjoni Ekonomika, l-Approssimazzjoni Legali u l-Konverġenza mal-Politiki tal-UE;

il-Kumitat għas-Sigurtà tal-Enerġija;

il-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, l-Edukazzjoni, il-Kultura u s-Soċjetà Ċivili.

2.   Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandhom japplikaw mutatis mutandis għal-laqgħat tal-kumitat mingħajr preġudizzju għar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti.

Artikolu 2

Kompożizzjoni

1.   Il-kumitat għandu jkollu massimu ta’ 30 membru, u għandu jinkludi:

15-il membru tal-Parlament Ewropew;

15-il membru mill-Parlamenti tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant li jieħdu sehem (1).

Dan għandu jirrifletti l-konfigurazzjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.

2.   Kull membru tal-Assemblea Parlamentari EURONEST għandu jkollu d-dritt li jkun membru ta’ wieħed mill-kumitati permanenti. F’każijiet eċċezzjonali, membru jista’ jkun membru ta’ żewġ kumitati permanenti.

3.   Il-membri jinħatru skont il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti minn kull Parlament b’tali mod li jirriflettu kemm jista’ jkun id-distribuzzjoni tad-diversi gruppi politiċi u delegazzjonijiet irrappreżentati, rispettivament, fil-Parlament Ewropew u fil-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant.

4.   Id-daqs u l-kompożizzjoni tal-kumitati għandhom jiġu approvati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST fuq proposta tal-Bureau.

Artikolu 3

Presidenza u Bureau

1.   Kull kumitat għandu jaħtar Bureau minn fost il-membri tiegħu li jikkonsisti f'żewġ Kopresidenti bl-istess status (wieħed minn kull komponent) u erba' Viċi-Presidenti (tnejn minn kull komponent), li fir-rigward tagħhom il-proċeduri elettorali u l-mandati għandhom jiġu deċiżi minn kull komponent separatament.

2.   Il-Kopresidenti għandhom jiddeċiedu flimkien min minnhom għandu jippresiedi l-laqgħa tal-Kumitat.

Artikolu 4

Sostituti

1.   Kull membru sħiħ li ma jkunx jista’ jattendi għal-laqgħa tal-kumitat jista' jiġi sostitwit b’membru sostitut mill-istess komponent tal-Assemblea, soġġett għall-ftehim fost dawk iż-żewġ membri. Il-President għandu jiġi informat b’kull sostituzzjoni qabel il-bidu tal-laqgħa.

2.   Fi ħdan il-kumitat, il-membru sostitut għandu jkollu l-istess drittijiet u jkun soġġett għall-istess obbligi bħala membru sħiħ.

Artikolu 5

Laqgħat

1.   Il-kumitati għandhom jiltaqgħu meta jissejħu mill-Kopresidenti tagħhom, u għandhom jorganizzaw mill-anqas żewġ laqgħat fis-sena, b’waħda minnhom issir matul is-sessjoni tal-Assemblea Parlamentari EURONEST.

2.   Fuq proposta mill-Bureau tal-kumitat, il-Kopresidenti għandhom ifasslu u jressqu l-abbozz tal-aġenda ta’ kull laqgħa tal-kumitat.

3.   Il-laqgħat tal-kumitati għandhom isiru bil-lingwi ta’ ħidma tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Ħlief jekk kumitat jiddeċiedi mod ieħor, il-laqgħat kollha għandhom ikunu pubbliċi.

4.   Il-President għandu jmexxi l-proċedimenti, jiżgura li r-Regoli ta’ Proċedura jiġi osservati, iżomm l-ordni, jagħti l-kelma lill-kelliema, jiddikjara l-għeluq tad-diskussjonijiet, iressaq il-punti għall-votazzjoni u jħabbar il-riżultat tal-votazzjoni.

5.   Ebda membru ma jista’ jitkellem sakemm ma jingħatax il-kelma mill-President. Kelliem ma jistax jitwaqqaf għajr f’każ ta’ punti ta’ ordni. Jekk il-kelliem jitbiegħed mis-suġġett, il-President għandu jsejjaħlu għall-ordni u jekk dan jerġa' jseħħ, iwaqqfu mill-jitkellem fuq l-istess suġġett għall-bqija tad-dibattitu.

6.   Il-President għandu jsejjaħ għall-ordni kull membru tal-kumitat li joħloq tfixkil matul il-proċedimenti. Jekk l-offiża tirrepeti ruħha, il-President jista’ jkeċċi t-trasgressur mis-sala għall-bqija tal-laqgħa.

7.   Bi ftehim fost il-Bureaus tagħhom, żewġ kumitati jew aktar jistgħu, jorganizzaw laqgħat dwar suġġetti ta’ interess komuni għalihom.

Artikolu 6

Rapporti u suġġetti urġenti

1.   Il-kumitati jistgħu jappuntaw Rapporteurs biex jeżaminaw mistoqsijiet speċifiċi fi ħdan il-kompetenza tagħhom u jħejju rapporti li għandhom jitressqu lill-Assemblea Parlamentari EURONEST, soġġetta għal awtorizzazzjoni mill-Bureau. L-għadd ta’ rapporti bħal dawn għandu jkun limitat, fil-prinċipju, għal rapport wieħed għal kull kumitat f’sessjoni waħda. Il-Bureau jista’ jiddeċiedi, fuq talba mill-Kopresidenti tal-Kumitati, kemm-il rapport se jiġi vvotat għal kull sessjoni skont il-progress tax-xogħol għat-tħejjija tar-rapporti.

2.   Fuq bażi eċċezzjonali, kumitat jista’ jipproponi suġġetti urġenti lill-Assemblea Parlamentari EURONEST. L-għadd ta’ suġġetti urġenti huwa limitat skont l-Artikolu 9, paragrafu 2, ittra b tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Assemblea Parlamentari Euronest.

3.   Barra minn hekk, il-kumitati jistgħu jiddiskutu punti oħra fuq l-aġenda mingħajr rapport u jistgħu jinfurmaw lill-Bureau tal-Assemblea Parlamentari EURONEST bil-miktub li l-punti kkonċernati ġew diskussi.

4.   Il-kumitati għandhom jagħtu rendikont tal-attivitajiet tagħhom lill-Assemblea Parlamentari EURONEST.

Artikolu 7

Quorum u votazzjoni

1.   Il-quorum ta’ kumitat jinkiseb meta tal-anqas terz tal-membri ta’ kull komponent ikun preżent.

2.   Il-voti kollha jkunu validi ikun x’ikun l-għadd ta’ votanti. Madankollu, kwalunkwe membru tal-kumitat jista’ jitlob li l-quorum ikun stabbilit qabel jittieħed vot. Jekk wara din it-talba l-quorum ma’ jiġix stabbilit, il-votazzjoni tiġi posposta.

3.   Il-kumitat jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri li ħadu sehem fil-votazzjoni. Kull membru jista' jressaq emendi sabiex jiġu eżaminati fil-kumitat. Il-kumitat jivvota permezz ta’ turija tal-idejn b’kull membru jkollu vot uniku, personali u mhux trasferibbli.

4.   L-għadd tal-voti għandu jsir mill-Kummissjoni tal-Għadd, li se tkun tikkonsisti f’żewġ partijiet indaqs ta’ rappreżentanti tas-segretarjati taż-żewġ komponenti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST. Il-Kummissjoni tal-Għadd tinħatar mill-Bureau (jew mill-Kumitat tal-Kopresidenti) qabel il-bidu tal-laqgħa rilevanti u tirraporta r-riżultat tal-għadd tal-voti direttament lill-Kopresidenti.

5.   Kull membru jista’ jressaq emendi biex jiġu kkunsidrati mill-kumitat, fi ħdan l-iskadenza mħabbar mill-Kopresidenti. L-emendi għandhom jirreferu għat-test li jkunu qed jippruvaw jemendaw u għandhom jitressqu bil-miktub. Emendi orali jistgħu jittieħdu biss jekk ikollhom l-għan li jikkoregu żbalji fattwali jew ta’ lingwaġġ. L-ebda emendi orali oħra m’għandhom jittieħdu.

6.   Jekk titressaq talba għal votazzjoni minn komponenti separati qabel ma tibda l-votazzjoni minn minimu ta’ tliet membri tal-kumitat li jappartjenu għal tal-anqas żewġ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jew li jappartjenu għal tal-anqas żewġ delegazzjonijiet mill-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant tal-Assemblea Parlamentari EWRONEST, għandha ssir votazzjoni li fiha r-rappreżentanti tal-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant u r-rappreżentanti tal-komponent tal-Parlament Ewropew għandhom jivvutaw b’votazzjoni separata iżda li ssir fl-istess ħin. It-test ikkonċernat jiġi adottat jekk tinkiseb maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa b’mod separat fiż-żewġ komponenti.

Artikolu 8

Arranġamenti oħra

1.   Il-Parlament li jkun qed jospita laqgħa tal-kumitat għandu jkun responsabbli għall-arranġamenti prattiċi, l-assistenza u l-ispejjeż relatati mal-organizzazzjoni tal-laqgħa.

2.   Madankollu, fuq proposta mill-Bureau, l-Assemblea Parlamentari EURONEST tista’ tirrakkomanda li l-kontribuzzjoni finanzjarja minn Parlamenti oħra tiġi pprovduta biex tkopri l-infiq tal-organizzazzjoni ta’ laqgħa ta’ kumitat.

Artikolu 9

L-Interpretazzjoni tar-riżultati

Il-Kopresidenti, jew fuq talba tagħhom, il-Bureau ta’ kumitat, għandhom id-dritt li jiddeċiedu fuq il-kwistjonijiet kollha relatati mal-interpretazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti.

Artikolu 10

Emenda għar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti

1.   L-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Parlamentari EURONEST abbażi tal-proposti tal-Bureau.

2.   L-emendi għandhom jiġu adottati minn maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti. Jekk titressaq talba għal votazzjoni minn komponenti separati qabel ma tibda l-votazzjoni, minn minimament wieħed minn kull għaxar membri li jagħmlu parti tal-anqas minn żewġ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew jew jagħmlu parti tal-anqas minn żewġ delegazzjonijiet mill-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant tal-Assemblea Parlamentari EURONEST, għandha ssir votazzjoni li fiha r-rappreżentanti tal-komponent tal-Imsieħba Ewropej tal-Lvant u r-rappreżentanti tal-komponent tal-Parlament Ewropew għandhom jivvutaw b’votazzjoni separata. It-test inkwistjoni għandu jitqies adottat jekk tinkiseb maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfugħa b’mod separat fiż-żewġ komponenti.

3.   Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, meta jittieħed il-vot, l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura tal-kumitati permanenti għandhom jidħlu fis-seħħ immedjatament wara li jiġu adottati.


(1)  Mal-adeżjoni tas-Sieħeb l-ieħor tal-Ewropa tal-Lvant (il-Bjelorussja), is-siġġijiet jiġu mqassma mill-ġdid fost l-Imsieħba Ewropej tal-Lvant.