ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.166.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 166

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
12 ta' Ġunju 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 166/01

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-kwantità disponibbli għas-subperjodu ta’ Settembru 2013 fil-qafas ta' ċerti kwoti miftuħa mill-Unjoni Ewropea għal prodotti tas-settur tar-ross

1

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Bank Ċentrali Ewropew

2013/C 166/02

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta’ Mejju 2013 dwar proposta għal Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu u dwar proposta għal regolament fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (CON/2013/32)

2

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 166/03

Rata tal-kambju tal-euro

6

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 166/04

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6951 – Bain Capital/FTE) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

7

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 166/05

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

8

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

12.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/1


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward il-kwantità disponibbli għas-subperjodu ta’ Settembru 2013 fil-qafas ta' ċerti kwoti miftuħa mill-Unjoni Ewropea għal prodotti tas-settur tar-ross

2013/C 166/01

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1274/2009 fetaħ kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta' ross li joriġina mill-pajjiżi u t-territoriji extra-Ewropej (OCT) (1). Ma ġewx imressqa applikazzjonijiet għal liċenzja tal-importazzjoni matul l-ewwel sebat ijiem ta’ Mejju 2013 għall-kwoti bin-numru tas-serje 09.4189 u 09.4190.

Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (2), il-kwantitajiet li għalihom ma jitressqux applikazzjonijiet għandhom jiżdiedu ma' tas-subperjodu ta’ wara.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1274/2009, il-kwantitajiet disponibbli fis-subperjodu ta’ wara għandhom jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni sal-25 jum tal-aħħar xahar ta’ subperjodu partikolari.

B'konsegwenza ta’ dan, il-kwantità totali disponibbli għas-subperjodu ta’ Settembru 2013 fil-kuntest tal-kwoti bin-numri tas-serje 09.4189 u 09.4190, kif imsemmija fir-Regolament (UE) Nru 1274/2009, huma stabbiliti fl-Anness għal din il-Komunikazzjoni.


(1)  ĠU L 344, 23.12.2009, p. 3.

(2)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.


ANNESS

Kwantitajiet disponibbli għas-subperjodu li jmiss, skont ir-Regolament (UE) Nru 1274/2009

Oriġni

Numru tas-serje

Applikazzjonijiet għal liċenzja tal-importazzjoni milqugħa għas-subperjodu ta' Mejju 2013

Kwantità totali disponibbli għas-subperjodu ta' Settembru 2013

(f'kg)

L-Antilli Olandiżi u Aruba

09.4189

 (1)

25 000 000

OCTs l-inqas żviluppati

09.4190

 (1)

10 000 000


(1)  Ma japplikax il-koeffiċjent ta' allokazzjoni għal dan is-subperjodu: il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda applikazzjoni għal liċenzja.


III Atti preparatorji

Il-Bank Ċentrali Ewropew

12.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/2


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-17 ta’ Mejju 2013

dwar proposta għal Direttiva dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu u dwar proposta għal regolament fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi

(CON/2013/32)

2013/C 166/02

Introduzzjoni u bażi legali

Fis-27 ta’ Frar 2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet ta' ħasil tal-flus u ta' finanzjament tat-terroriżmu (iktar ’il quddiem id-“Direttiva proposta”) (1). Fit-28 ta’ Frar 2013, il-BĊE rċieva talba oħra mingħand il-Kunsill, f’din l-okkażjoni għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilll fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament propost”) (2) (minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa l-“istrumenti proposti tal-Unjoni”). Il-BĊE rċieva wkoll talbiet mingħand il-Parlament Ewropew għal opinjoni dwar l-istrumenti proposti tal-Unjoni, jiġifieri fit-2 ta’ April 2013 fir-rigward tad-direttiva proposta u fit-3 ta’ April 2013 fir-rigward tar-regolament propost.

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li l-istrumenti proposti tal-Unjoni fihom dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta’ kompetenza tal-BĊE. Barra minn hekk, il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(2) u (5) u 128(1) tat-Trattat u l-Artikoli 16 sa 18 u 21 sa 23 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, peress li l-istrumenti proposti tal-Unjoni fihom dispożizzjonijiet li għandhom implikazzjoni għal ċerti kompiti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali. B’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv għalhekk adotta din l-opinjoni.

1.    Skop u kontenut tal-istrumenti proposti tal-Unjoni

1.1.   Direttiva proposta

L-għan tad-Direttiva proposta huwa li taġġorna u temenda r-reġim tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu sabiex jitqiesu reviżjonijiet reċenti għal standards internazzjonali applikabbli, b'mod partikolari r-Rakkomandazzjonijiet tal-Financial Action Task Force (FATF), li ġew adottati fi Frar 2012 (3), kif ukoll bosta rapporti u evalwazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea li jirrigwardaw l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (4). Id-Direttiva proposta, meta tiġi adottata, ser tħassar u tissostitwixxi d-Direttiva 2005/60/KE u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE tal-1 ta' Awwissu 2006 li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE (5).

Id-Direttiva proposta tieħu approċċ iktar ibbażat fuq ir-riskju lejn miżuri (6) kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Hija ssaħħaħ ir-rekwiżiti ta’ “diliġenza dovuta mal-klijent” (7) sabiex ċerti kategoriji ta’ klijenti u transazzjonijiet (8) ma jibqgħux eżentati minn rekwiżiti ssimplifikati ta’ diliġenza dovuta mal-klijent u sabiex l-“entitajiet obbligati” (9) minn issa ’l quddiem ikollhom jevalwaw il-livell ta’ riskju qabel ma jiddeċiedu jekk jagħmlux diliġenza dovuta mal-klijent. Barra minn hekk, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASEi) (10) ser ikunu meħtieġa jipprovdu opinjoni konġunta dwar ir-riskji ta' ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu li jeffetwaw is-suq intern fi żmien sentejn mid-data meta tidħol fis-seħħ id-direttiva proposta, waqt li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jwettqu u jżommu aġġornati evalwazzjonijiet nazzjonali tar-riskju sabiex jidentifikaw dawk l-oqsma fejn huwa meħtieġ tisħiħ fid-diliġenza dovuta mal-klijent (11). Id-direttiva proposta testendi wkoll l-ambitu tar-reġim tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus, b'mod partikolari billi tnaqqas il-livell limitu għall-applikazzjoni tar-reġim għal negozjanti f'oġġetti ta’ valur għoli li jirċievu ħlasijiet f’kontanti mingħand klijenti ta’ bejn EUR 15 000 EUR 7 500.

Id-direttiva proposta ser tgħolli l-livell ta’ diliġenza dovuta mal-klijent li għandha ssir fir-rigward ta’ “persuni esposti b’mod politiku” (PEPs) (12), b’mod partikolari billi teħtieġ li d-diliġenza dovuta msaħħa mal-klijent (13) issir fir-rigward ta’ dawk il-persuni kif ukoll tal-membri tal-familji tagħhom u persuni assoċjati magħhom mill-qrib. Il-PEPs issa ser jinkludu mhux biss individwi “barranin” iżda wkoll individwi “lokali” fdati b'funzjonijiet pubbliċi prominenti (14).

Id-direttiva proposta tipprovdi regoli u proċeduri aktar b’saħħithom u ddefiniti b’mod aħjar għall-identifikazzjoni ta’ sidien benefiċjarji (15) ta’ entitajiet korporattivi jew ġuridiċi u trusts, għalkemm id-definizzjoni ta’ sjieda benefiċjarja tibqa’ l-istess. Minbarra dan, entitajiet korporattivi jew ġuridiċi u trusts ser ikunu meħtieġa li jżommu rekords fir-rigward tal-identità tas-sidien benefiċjajri tagħhom [’]. Barra minn hekk, id-Direttiva proposta tintroduċi xi bidliet għar-rekwiżiti ta’ żamma ta’ records fir-rigward tad-diliġenza dovuta mal-klijent u transazzjonijiet, kif ukoll għall-politiki interni u l-proċeduri ta’ entitajiet obbligati, f’tentattiv biex jintlaħaq bilanċ bejn l-iffaċilitar ta’ kontrolli robusti tal-ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu u l-ħarsien tal-prinċipji tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-dejta u d-drittijiet tas-suġġett tad-dejta.

Id-direttiva proposta ssaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni bejn l-unitajiet ta’ intelliġenza finanzjarja tal-Istati Membri li l-kompiti tagħhom huma li jservu bħala punti ta’ kuntatt nazzjonali sabiex jirċievu, janalizzaw u jqassmu lill-awtoritajiet kompetenti rapporti dwar suspetti ta’ ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu.

Finalment, id-direttiva proposta tagħmel enfasi akbar fuq l-infurzar u s-sanzjonijiet minn direttivi preċedenti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li n-negozji jistgħu jinżammu responsabbli għal ksur tar-regoli dwar il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu miżuri xierqa u jimponu sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ dawk il-ksur. It-tipi ta’ sanzjonijiet amministrattivi li jistgħu jiġu applikati huma stipulati fid-direttiva proposta.

1.2.   Regolament propost

Ir-regolament propost huwa marbut mill-qrib mal-kisba tal-għanijiet tad-direttiva proposta. Huwa essenzjali għall-istituzzjonijiet finanzjarji li jirrapportaw informazzjoni adegwata, preċiża u attwali fir-rigward tat-trasferimenti ta’ fondi mwettqa għall-klijenti tagħhom sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jaġixxu kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Ir-regolament propost (16) jimmira li jissikka l-obbligi legali eżistenti għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fir-rigward ta’ trasferimenti ta’ fondi u dawk li jipprovdu servizzi ta’ pagament fid-dawl ta’ standards internazzjonali li qegħdin jiżviluppaw (17). B’mod partikolari, dan jimmira li jtejjeb it-traċċabilità tal-ħlasijiet billi jeħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jiżguraw li t-trasferimenti ta’ fondi jkunu akkumpanjati b’informazzjoni wkoll dwar min jirċievi l-ħlas għall-awtoritajiet kompetenti. Għal dak l-iskop, ser jeħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament jivverifikaw l-identità tal-benefiċjarji ta' ħlasijiet li joriġinaw minn barra l-Unjoni għal ammonti ta' aktar minn EUR 1 000 (18). Dan ser jeħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament ikollhom fis-seħħ proċeduri bbażati fuq ir-riskju sabiex jevalwaw meta jeżegwixxu, jiċħdu jew jissospendu trasferimenti ta’ fondi u jżommu records ta’ ħlasijiet għal 5 snin. Ir-regolament propost jiċċara wkoll li r-rekwiżiti ser ikopru karti ta’ kreditu u ta’ debitu, ċellulari u strumenti elettroniċi oħrajn, jekk jintużaw għat-trasferiment ta’ fondi.

2.    Osservazzjonijiet ġenerali

Il-BĊE jilqa’ l-istrumenti proposti tal-Unjoni. Il-BĊE jappoġġa bis-saħħa reġim tal-Unjoni li jiżgura li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet residenti fl-Unjoni jkollhom għodod effettivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikolari kontra kwalunkwe abbuż tas-sistema finanzjarja minn dawk li jaħslu l-flus u li jiffinanzjaw it-terroriżmu u l-kompliċi tagħhom. Il-BĊE jikkunsidra li l-istrumenti proposti tal-Unjoni jindirizzaw b’mod korrett u effettiv id-dgħjufijiet identifikati fir-reġim attwali tal-Unjoni u jaġġornawh biex jieħu f’kunsiderazzjoni t-theddidiet identifikati mill-ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu għall-Unjoni u s-sistema finanzjarja tagħha u l-istandards internazzjonali li qegħdin jevolvu dwar kif għandhom jiġu indirizzati dawn it-theddidiet. Il-BĊE jikkunsidra wkoll li l-istrumenti proposti tal-Unjoni ser itejbu ċ-ċarezza u l-konsistenza tar-regoli applikabbli fost l-Istati Membri, b’mod partikolari f’oqsma importanti bħad-diliġenza dovuta mal-klijent u s-sjieda benefiċjarja.

3.    Osservazzjonijiet speċifiċi

3.1.   Rigward id-direttiva proposta, il-BĊE jinnota li l-bażi legali tagħha hija l-Artikolu 114 tat-Trattat u għaldaqstant timmira li tapprossima d-dispożizzjonijiet nazzjonali relevanti u li timminimizza l-inkonsistenzi bejniethom madwar l-Unjoni. L-Istati Membri b’hekk jistgħu jiddeċiedu li jkomplu jbaxxu aktar il-livelli limitu stipulati fid-Direttiva proposta għall-applikazzjoni tal-obbligi tagħha jew li jadottaw miżuri aktar stretti (19). Pereżempju, fil-każ ta’ transazzjonijiet bejn negozjanti f’oġġetti ta’ valur għoli u klijenti mhux kummerċjali li jammontaw għal EUR 7 500 (20) jew aktar, jidher li l-Artikolu 5 tad-direttiva proposta jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw miżuri aktar stretti milli sempliċement jeħtieġu li n-negozjant jissodisfa d-diliġenza dovuta mal-klijent, ir-rapportar u obbligi relevanti oħrajn taħt id-direttiva proposta. Kwalunkwe miżuri oħrajn ta’ din ix-xorta għandhom jiġu mwieżna b’attenzjoni kontra l-benefiċċji pubbliċi mistennija.

3.2.   Waqt li l-BĊE jinnota d-definizzjoni ta’ “fornitur tas-servizzi ta’ pagament” fl-Artikolu 2(5) tar-regolament propost, huwa jinnota wkoll li, skont il-premessa 8 tar-regolament propost u l-premessa 35 tad-direttiva proposta, mhijiex l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jinkludi fi ħdan l-ambitu tar-regolament persuni li jipprovdu “istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu unikament b’messaġġ jew sistemi oħrajn ta’ appoġġ għat-trażmissjoni ta’ fondi jew b’sistemi ta’ kklerjar u ta’ saldu”, bħas-sistema TARGET2 mhaddma mill-BĊE. Il-BĊE jappoġġa dan l-approċċ u jenfasizza l-importanza li tinżamm din l-eċċezzjoni sabiex is-sistemi ta’ pagamenti fl-Ewropa jkomplu joperaw mingħajr xkiel. L-impożizzjoni ta' dan ir-rekwiżit fuq il-fornituri ta' serviziz ta' kklerjar u ta' saldu tista' twassal għal diffikultajiet u dewmien sinifikanti fl-ipproċessar ta' ħlasijiet bejn banek u entitajiet oħrajn li jipprovdi servizzi ta' pagamenti. Min-naħa l-oħra, dan potenzjalment jista' jkollu impatt serju fuq l-ippjanar tal-likwidità tal-banek u fl-aħħar mill-aħħar fuq il-funzjonament tas-swieq finanzjarji mingħajr xkiel. Għal din ir-raġuni, u fl-interessi taċ-ċertezza legali u t-trasparenza, il-BĊE jirrakkomanda li din l-eżenzjoni tiġi pprovduta fid-dispożittiv tal-istrumenti proposti tal-Unjoni, u mhux fil-premessi. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat b’attenzjoni jekk atti legali oħrajn tal-Unjoni li preżentament jużaw l-istess appoġġ u teknika ta’ abbozzar għal dan it-tip ta’ eżenzjoni (21) għandhomx isegwu din ir-rakkomandazzjoni.

3.3.   Ulterjorment, il-BĊE jinnota li bosta mill-kunċetti ddefiniti fl-Artikolu 2 tar-regolament propost huma ddefiniti wkoll f’atti legali oħrajn tal-Unjoni li huma relatati mill-qrib mar-regolament propost, e.ż. id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (22) (iktar ’il quddiem id-‘Direttiva dwar Servizzi ta’ Ħlas’ (DSĦ)), ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (23) u r-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (24). Peress li l-użu ta’ definizzjonijiet stabbiliti għandu jtejjeb il-konsistenza u jagħmilha eħfef biex l-atti legali tal-Unjoni jinftiehmu bħala xi ħaġa sħiħa, il-BĊE jissuġġerixxi li l-Artikolu 2 tar-Regolament propost għandu jiġi emendat kif xieraq, jiġifieri:

(a)

Id-definizzjonijiet ta’ “pagatur” (min iħallas) u “benefiċjarju” (min jitħallas) għandhom jiġu allinjati mad-definizzjonijiet ta’ dawn it-termini fid-DSĦ;

(b)

“Fornitur tas-servizzi ta’ pagamenti” (Fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas) huwa kunċett stabbilit mid-DSĦ u huwa llimitat għal sitt kategoriji differenti ta’ fornituri ta’ tali servizzi elenkati fid-DSĦ; għaldaqstant id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett fir-Regolament propost għandha tirreferi għad-DSĦ;

(c)

Id-definizzjoni ta’ ‘trasferiment ta’ fondi “minn persuna għal persuna”’ għandha tkun iddefinita b’mod aktar ċar bħala tranżazzjoni bejn żewġ persuni fiżiċi, li t-tnejn jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom barra mill-ambitu tan-negozju, kummerċ jew professjoni tagħhom.

Din l-opinjoni ser tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-BĊE.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-17 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  COM(2013) 45 finali.

(2)  COM(2013) 44 finali.

(3)  Standards Internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni – ir-Rakkomandazzjonijiet FATF, Pariġi, 16 ta’ Frar 2012, disponibbli fuq il-websajt tal-FATF fuq http://www.fatf-gafi.org

(4)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

(5)  Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE tal-1 ta' Awwissu 2006 li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ persuni esposti b’mod politiku u l-kriterji tekniċi għal proċeduri ssimplifikati tad-diliġenza dovuta mal-klijent u għal eżenzjoni għal raġunijiet ta’ attività finanzjarja mwettqa fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna (ĠU L 214, 4.8.2006, p. 29).

(6)  Id-direttiva proposta teħtieġ li l-entitajiet obbligati, inter alia, iwettqu d-diliġenza dovuta fir-rigward tal-klijenti, iżommu rekords, ikollhom kontrolli interni u jippreżentaw rapporti dwar transazzjonijiet suspettużi fir-rigward tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(7)  Ara l-Kapitolu II, Taqsimiet 1 u 2, Artikoli 9 sa 15, tad-direttiva proposta.

(8)  Pereżempju, klijenti li huma negozji rregolati, bħal istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji stabbiliti fl-Unjoni u kumpaniji elenkati fi swieq irregolati ta’ titoli pubbliċi.

(9)  Ara l-Artikolu 2(1) tad-direttiva proposta li jelenka l-‘entitajiet obbligati’ li għalihom tapplika d-direttiva proposta, b'mod partikolari inklużi istituzzjonijiet ta' kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji kif iddefiniti ulterjorment.

(10)  L-ASE huma l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

(11)  Ara l-Artikoli 16 sa 23 tad-direttiva proposta.

(12)  Ara d-definizzjonijiet fl-Artikolu 3(7) kif ukoll l-obbligi fuq dawk il-persuni pprovduti fl-Artikolu 11 u l-Artikoli 18 sa 22 tad-direttiva proposta.

(13)  Ara l-Artikoli 16 sa 23 tad-direttiva proposta.

(14)  Ara l-Artikolu 3(7)(b) tad-direttiva proposta. F’dan ir-rigward, “lokali” tfisser meta l-PEP tkun ġiet fdata minn Stat Membru tal-Unjoni b’funzjonijiet pubbliċi prominenti, waqt li “barranin” tfisser meta l-PEP tkun ġiet fdata minn pajjiż terz f’dawk il-funzjonijiet.

(15)  Ara l-Artikoli 3(5), 29 u 30 tad-direttiva proposta.

(16)  Ir-regolament propost ser jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar informazzjoni dwar il-pagatur, li għandha takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi (ĠU L 345, 8.12.2006, p. 1).

(17)  Prinċipalment ir-Rakkomandazzjoni 16 tal-FATF dwar it-titjib tat-trasparenza ta’ trasferimenti bankarji transkonfinali.

(18)  Ara l-Artikolu 7 tar-regolament propost.

(19)  Ara l-Artikolu 5 tad-direttiva proposta li tipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam li tkopri d-direttiva proposta għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(20)  Ara l-Artikolu 10(c) tad-direttiva proposta.

(21)  Ara r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012 tat- 23 ta' Marzu 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, 24.3.2012, p. 1).

(22)  ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.

(23)  ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11.

(24)  ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

12.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/6


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-11 ta’ Ġunju 2013

2013/C 166/03

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3273

JPY

Yen Ġappuniż

128,60

DKK

Krona Daniża

7,4575

GBP

Lira Sterlina

0,85390

SEK

Krona Żvediża

8,7454

CHF

Frank Żvizzeru

1,2305

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,6860

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,613

HUF

Forint Ungeriż

299,71

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7020

PLN

Zloty Pollakk

4,2789

RON

Leu Rumen

4,5113

TRY

Lira Turka

2,5172

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4206

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3594

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,3057

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7080

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6723

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 503,51

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

13,6365

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,1410

HRK

Kuna Kroata

7,4988

IDR

Rupiah Indoneżjan

13 038,61

MYR

Ringgit Malażjan

4,1883

PHP

Peso Filippin

57,209

RUB

Rouble Russu

43,1010

THB

Baht Tajlandiż

41,133

BRL

Real Brażiljan

2,8642

MXN

Peso Messikan

17,2549

INR

Rupi Indjan

77,5210


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

12.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/7


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6951 – Bain Capital/FTE)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 166/04

1.

Fil-5 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża 3G Bain Capital Europe Fund III, L.P, parti minn of Bain Capital Investors, LLC. (“Bain Capital”, l-Istati Uniti tal-Amerika), takkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regoalment dwar l-Għaqdiet il-kontroll sħiħ tal-impriża FTE Verwaltungs GmbH (“FTE”, il-Ġermanja) permezz tax-xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Bain Capital: kumpanija ta' investiment ta' ekwità privata, attiva globalment f'ħafna industrji, inklużi t-teknoloġija informatika, il-kura tas-saħħa, prodotti bl-imut u tal-konsumatur, telekomunikazzjonijiet, kimiċi, finanzjarji u industrijali/manifattura,

għal FTE: kumpanija ta' manifattura, attiva globalment partikolarment fl-iżvilupp, il-produzzjoni u l-bejgħ ta' sistemi u komponenti għall-attivazzjoni tal-klaċċ idrawliku u tal-brejk idrawliku.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6951 – Bain Capital/FTE, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

12.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/8


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 166/05

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għall-oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

STAKLIŠKĖS

Nru tal-KE: LT-PGI-0005-0819-27.07.2010

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

“Stakliškės”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Litwanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.8.

Prodotti oħrajn tal-Anness I għat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Il-mead“Stakliškės” huwa xorb alkoħoliku ta' kulur l-ambra ċar li jsir b'mod tradizzjonali mill-fermentazzjoni naturali tal-mead magħsur qabel ma jeħmer flimkien mal-addittivi tal-pjanti (ħaxixa tal-imrar, inwar tal-ixkomp, frott tal-ġniebru). Il-kompożizzjoni tal-għasel, tal-ħxejjex aromatiċi u tal-ħwawar tagħti lix-xorb it-togħma tal-għasel qawwija karatteristika tagħha, kemxejn ħelwa-qarsa u b'aroma pikkanti. L-etanol kollu li hemm fil-mead jinkiseb biss mill-fermentazzjoni naturali. Fil-produzzjoni tal-mead, l-ebda zokkor jew dolċifikant ieħor, sustanzi koloranti, ħwawar jew preżervattivi ma huma użati, u s-saħħa tiegħu mhuwiex aġġustat biż-żieda tal-etanol.

Proprjetajiet fiżiko-kimiċi tas-“Stakliškės”:

Kontenut tal-etanol – 12 ± 1 % skont il-volum,

Kontenut taż-zokkor – 160 ± 8 g/dm3,

Aċidi titrattabbli espressi bħala aċidu ċitriku – 7 ± 0,5 g/dm3,

Estratt totali – 180 ± 8 g/dm3,

Aċidi volatili espressi bħala aċidu aċetiku – mhux aktar minn 1,5 g/dm3,

Kontenut tal-ħadid m’għandux jaqbeż 10 mg/dm3,

Kontenut totali tad-diossidu tal-kubrit u tas-sulfit ma jridx jaqbeż 200 mg/dm3.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Materja prima:

ilma,

għasel naturali li huwa konformi mar-rekwiżiti li ġejjin:

kontenut taz-zokkor riduċenti (is-somma ta’ fruttożju u glukożju): mhux inqas minn 60 g/100 g,

kontenut fis-sukrożju: mhux iżjed minn 5 g/100 g,

kontenut tal-ilma: mhux iżjed minn 20 %,

Attività dijastika (skala Schade): mhux inqas minn 8 %,

ħmira tal-produtturi tal-birra li tkun qed tiffermenta fil-qiegħ f’konċentrazzjoni ta’ sa 5 % tal-mead magħsur qabel ma jeħmer;

ħwawar/taħwir (3,5 g/litru):

ħaxixa tal-imrar,

inwar tal-ixkomp,

frott tal-ġniebru.

Il-mead“Stakliškės” għandu jiġi magħmul mit-taħlit ta' partijiet ugwali fil-piż tal-għasel u l-ilma fil-piż, jiġifieri, parti waħda ta' għasel u parti waħda ta' ilma.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jittieħdu fiż-żona ġeografika identifikata

I.

Jinħall l-għasel, li jagħmel dikantazzjoni tal-likwidu tal-għasel u jneħħi kwalunkwe xkuma u impuritajiet.

II.

Dekozzjoni tal-ħaxixa tal-imrar u ħxejjex/ħwawar oħra; tkessiħ, tisfija u dożaġġ tad-dekozzjoni.

III.

Ippompjar tal-għasel likwidu, l-ammont meħtieġ tal-ilma u d-dekozzjoni ġo kitla tal-pasturizzazzjoni. Pasturizzazzjoni tal-mead magħsur qabel ma jeħmer.

IV.

Ippompjar u t-tberid tal-mead magħsur qabel ma jeħmer.

V.

Fermentazzjoni tal-mead magħsur qabel ma jeħmer.

VI.

Kjarifika tal-mead.

VII.

Maturazzjoni tal-mead għal mill-inqas disa’ xhur.

VIII.

Iffiltrar u bbottiljar tal-mead.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-mead“Stakliškės” għandu jiġi bbottiljat f'kontenituri tal-ħġieġ, taċ-ċeramika jew f'suvenirs oħra ta’ diversi forom u kapaċitajiet, immedjatament wara l-maturazzjoni u l-filtrazzjoni tiegħu, minħabba li l-esponiment għall-arja matul it-trasportazzjoni jew il-ħażna temporanja joħolqu r-riskju tal-ossidazzjoni, li tista' taffettwa b’mod negattiv il-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi ta’ dan il-mead. Barra minn hekk, l-espożizzjoni għall-arja tippermetti l-kontaminazzjoni permezz tal-aċidu aċetiku tal-batterji jew ta' xi mikroorganiżmi oħra, li jwasslu għal fermentazzjoni li tkun ta’ detriment għall-prodott.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika hija l-paroċċa ċivili Stakliškės.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

L-indikazzjoni ġeografika “Stakliškės” tikkonsisti mill-isem tal-belt fejn il-mead jiġi magħmul, li tinsab f’wied żgħir imdawwar bl-għoljiet u bil-foresti. Peress li 60 % taż-żona hija art agrikola, filwaqt li 23 % hija forestata u 17 % hija koperta mill-ilma jew tintuża għal għanijiet oħra, il-post huwa favorevoli għat-trobbija tan-naħal u biex tipproduċi l-materja prima oħra użati biex isir il-mead.

Storja

L-isem tal-belt ta’ Stakliškės issemma għall-ewwel darba fil-1375 fil-kronaki tal-Ordni Tewtoniku, u ġej mill-kelma “Stokielyšek”. L-istorja tgħid li xi sinjuri sabu ruħhom f’argument f'nofs kaċċa dwar min jista' jixrob 100 tazza ta’ mead. Wieħed mis-sinjuri xorobhom kollha u fl-istagħġib tiegħu għajat, “Stokielyšek” (“mitt tazza”), u hekk huwa kif il-post ħa l-isem ta' Stokielyček, jew Stakliškės.

L-ewwel informazzjoni bil-miktub dwar il-konsum speċifiku tal-mead fl-Art ta’ Balts tinstab fir-rakkont tal-vjaġġ ta' Wulfstan, u bejn wieħed u ieħor tmur lura għas-sena 890. Dan il-vjaġġatur u negozjant żar l-artijiet li qegħdin max-xtut tal-baħar Baltiku, fejn kiseb l-għarfien dirett dwar l-abbundanza tal-għasel, u kif l-għasel kien qed jiġi użat biex isir ix-xorb. Ir-rejiet u n-nobbli kienu jixorbu l-ħalib tad-debba, filwaqt li l-foqra u l-ilsiera kienu jixorbu l-mead. Minħabba li kien hemm abbundanza ta' mead, l-Ajstjani ma kienu jipproduċu l-ebda birra ċara. Fil-bidu tas-seklu 14, Peter ta’ Dusburg, kronista tal-Ordni Tewtoniku, kiteb li l-antenati tal-Litwani kienu jixorbu sempliċiment l-ilma, l-inbid tal-għasel – magħruf bħala mead – u l-ħalib tad-debba, imma dejjem wara li jkun ġie kkonsagrat.

Il-mead sar speċi ta' leġġenda, u kienu saru tentattivi biex jerġa’ jitqajjem lura fil-bidu tas-seklu 20, iżda kien biss wara t-Tieni Gwerra Dinjija meta l-inġinier tal-proċess Aleksandras Sinkevičius, tal-meadery ta' Stakliškės, iddeċieda li jipprova jerġa' joħloq ir-riċetta tal-mead, li fil-qedem (mis-seklu 15 għas-seklu 18) kien isir mill-għasel selvaġġ u minn diversi ħxejjex aromatiċi u ħwawar, u li jipprova jerġa' jqajjem il-produzzjoni ta' mead tradizzjonali, naturali, u mhux spirituż li f'dak iż-żmien ma kienx baqa' jiġi prodott la fil-Litwanja u lanqas f'pajjiżi ġirien oħra.

Fis-sistema soċjali ta' dak iż-żmien, Aleksandras Sinkevičius kellu jegħleb triq tassew imħarbta qabel ma rnexxielu jikseb il-liċenzja biex ikun jista' jipproduċi l-mead fl-1957. Fit-8 ta’ Settembru 1958, f’kamra tal-bojler qadima f'birrerija Stakliškės, l-ewwel 700 litru ta’ mead magħsur qabel ma jeħmer ġew mgħollija. Minn hemm ’il quddiem, il-mead“Stakliškės” beda jiġi prodott b’mod industrijali. Madankollu, kif kiteb Aivaras Ragauskas fil-ktieb tiegħu Aleksandras Sinkevičius (1908-1989). Trečdalis gyvenimo paskirto lietuviškam midui (Aleksandras Sinkevičius (1908–1989). Terz ta' ħajja ddedikat lill-mead Litwan) (Vilnius, 2008), “Kienet diffiċli biex timplementa l-pjanijiet. Pereżempju, fl-1964, il-pjan ta' produzzjoni kien biss implementat fil-91 %. Ma kien hemm l-ebda bażi ta' produzzjoni rilevanti u lanqas laboratorju, u ma kinitx faċli li tiżgura li l-kwalità tal-mead kienet konsistenti, speċjalment meta ħafna nies ma kinux jafu biżżejjed”. Wara dan, il-produzzjoni tal-mead kellha telf kbir fl-1963. Kien biss fit-12 ta’ Jannar 1967, wara proċess twil ta’ aġġustament tar-riċetta, tal-proporzjon tal-ħxejjex aromatiċi u l-ħwawar u tal-proċess ta’ produzzjoni, li Aleksandras Ainkevičius kiteb dan li ġej lill-prosekutur pubbliku, Viktoras Galinaitis, u lill-impjegati l-oħra taċ-ċivil fl-ittra Nru 24 LTSR (Arkivju tal-produzzjoni tal-mead Stakliškės): “F’kundizzjonijiet estremament primittivi, għamilt prodotti li ma jistgħux jiġu magħmulin minn impjanti mekkanizzati, u din hija r-raġuni għaliex huma ta' kwalità għolja.”

Fit-18 ta’ Jannar 1967, tfassal l-ewwel dokument tekniku għall-produzzjoni ta’ dan il-mead, li jiddeskrivi l-materja prima u l-proċess ta' produzzjoni tal-mead kollu, u fl-1968, tfasslu l-ispeċifikazzjonijiet li magħhom il-mead“Stakliškės” għadu jikkonforma.

Ir-reputazzjoni tal-mead“Stakliškės” hija kkonfermata mid-domanda li dejjem qed tiżdied għalih, b’xi 60 000 litru ta’ “mead Stakliškės” prodotti fl-1977 u 80 000 litru fl-1978. Fl-1989, l-ewwel lottijiet ta’ dan il-mead ġew esportati lejn ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, u issa qed jiġi esportat lejn il-Polonja, il-Belġju, il-Latvja, iċ-Ċina, l-Iżrael u xi pajjiżi oħra.

Sal-lum il-ġurnata, il-metodu tradizzjonali ta’ produzzjoni tal-mead“Stakliškės” u l-ħiliet professjonali tal-produtturi f’din iż-żona ġeografika, li huma mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra, jiggarantixxu l-awtentiċità ta’ dan ix-xorb ta' maturità twila b’togħma u riħa sottili. Dan jintwera mill-fatt li l-Fond tal-Wirt Kulinarju Litwan iggarantixxa lill-mead Stakliškės status ta' wirt kulinarju fl-2002, li jikkonferma illi huwa magħmul minn ingredjenti tradizzjonali bl-użu ta’ metodi tradizzjonali, u l-fatt li l-Ministeru tal-Agrikoltura tah ċertifikat ta' prodott ta' patrimonju nazzjonali fl-2010, filwaqt li kkonferma li l-mead“Stakliškės” huwa prodott tradizzjonali qadim, awtentiku, b'karatteristiċi ta' prodott tradizzjonali, fil-metodu tal-kompożizzjoni u tal-produzzjoni.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-mead“Stakliškės” jieħu t-togħma tal-għasel qawwija karatteristika tiegħu, b'togħma kemxejn ħelwa-qarsa u b'aroma pikkanti, bi proporzjon ta’ zokkor/aċidità bilanċjata u l-metodu tal-produzzjoni tradizzjonali, jiġifieri, il-fermentazzjoni naturali ta’ żmien twil (sa xi 90 jum) u maturazzjoni twila (mill-inqas disa’ xhur) u r-riċetta tradizzjonali, li skont liema mead huwa magħmul, huma użati l-għasel naturali, il-ħxejjex aromatiċi u l-ħwawar biss (ħaxixa tal-imrar, inwar tal-ixkomp, frott tal-ġniebru). Il-mead “Stakliškės” huwa differenti minn tipi oħra ta’ mead magħmula fl-artijiet tal-madwar minħabba l-fatt li l-kontenut tal-etanol jinkiseb b’mod sħiħ mill-fermentazzjoni naturali u mhuwiex aġġustat b'żieda tal-etanol, u l-għasel ma jistax jiġi sostitwit biz-zokkor, dolċifikanti korrispondenti jew distillat tal-għasel.

L-ispeċifiċità u r-reputazzjoni tal-prodott huma kkonfermati bi stħarriġ li sar fl-2007 mill-grupp tal-analiżi tas-suq u r-riċerka UAB RAIT, li wera li l-mead“Stakliškės” huwa differenti minn xorb ieħor tal-istess tip minħabba l-livell għoli ta’ kwalità (rikonoxxut minn 70 % ta’ dawk li wieġbu), togħma tajba (rikonoxxut b’59 % ta’ dawk li wieġbu) u aroma pjaċevoli (rikonoxxut b’51 % ta’ dawk li wieġbu). Il-kwalitajiet oħrajn ta’ spiss attribwiti lil dan ix-xorb kienu: togħma qawwija (imsemmi minn 39 % ta’ dawk li wieġbu), ippakkjar attraenti (imsemmi minn 36 % ta’ dawk li wieġbu), maħsub għall-anzjani (imsemmi minn 36 % ta’ dawk li wieġbu), u li huwa xorb għali (imsemmi minn 40 % ta’ dawk li wieġbu).

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

L-indikazzjoni ġeografika protetta għall-mead“Stakliškės” hija bbażata fuq l-istorja tal-prodott li għandu l-karatteristiċi stipulati fil-punt 5.2, il-ħila tradizzjonali tan-nies li jippreservaw l-karatteristiċi speċifiċi tal-produzzjoni tiegħu, u r-reputazzjoni tiegħu.

Il-mead“Stakliškės” kiseb ir-reputazzjoni tiegħu għax huwa prodott tradizzjonali. Il-ktieb Lietuviškas midus (Mead Litwan) (Kaunas 1969), li ġie ppubblikat lura fl-1969, iddeskriva l-mead“Stakliškės” bħala “speċi ta' xorb nazzjonali distint li kien magħmul f'passat remot. Huwa ta' qawwa baxxa, ftit qares imma fragranti ħafna, u xorb delikat mimli vitamini, imsemmi għall-belt li fiha hija bbażata l-produzzjoni tal-mead Litwan. Ix-xorb għandu l-kulur tal-ambra ċar. Meta jitferra' fit-tazza, ifakkrek fil-mergħat li qed jiffjorixxu.”

Ir-reputazzjoni tal-mead “Stakliškės” hija ddemostrata mir-rebħa tal-midalja tad-deheb li rebaħ fil-wirja internazzjonali AgroBalt'98, u d-diploma li ngħatat f'Degustalit, fejn isir dewqan tal-prodotti tal-ikel u tax-xorb Litwani, organizzat mill-Aġenzija Litwana tar-Regolazzjoni fis-Suq tal-Prodotti Agrikoli u tal-Ikel, li rrikonoxxietu bħala x-xorb bl-aħjar togħma.

L-apprezzament u l-popolarità tal-mead “Stakliškės” huwa kkonfermat mill-artikli li jitfaċċaw regolarment fil-gazzetti nazzjonali u reġjonali, kif ukoll fil-pubblikazzjonijiet tal-informazzjoni fuq l-internet: “Stakliškių Midus” (Mead Stakliškės) (Mūsų sodai, 1964, Nru 5); “Kur stakliškių auksas ir sidabras” (Fejn huwa d-deheb u l-fidda tal-Stakliškės?) (Švyturys, 1968, Nru 24); “stakliškių midus” (Mead stakliškės) (Laisvė, il-25 ta’ Novembru 1983); “metai, kaip lietuviškas midus” (Sena bħal mead Litwan) (Kooperatininkas, 1988, Nru 9); “Stakliškės” (Šiaurės Atėnai, 2003, Nru 646); “AgroBalt: pirmoji lietuviškų maisto produktų ir gėrimų degustacija” (AgroBalt: l-ewwel dewqan tal-ikel u x-orb Litwam) (Elta, 9 June 2004); “„Ida Basar“ Europos Parlamente išlaikė pirmąjį lietuviškų vaišių egzaminą” („Ida Basar“ jgħaddi l-ewwel test għall-ispeċjaltà Litwana fil-Parlament Ewropew) (meniu.lt, il-11 ta’ Ottubru 2004); “„Lietuviškas midus“ degtinės gaminti nesirengia” (Lietuviškas midus mhux se jipproduċu il-vodka) (BNS, l-14 ta’ April 2006).

Il-Litwani jassoċjaw l-isem tal-belt ta’ Stakliškės biss ma’ dan ix-xorb. Il-mead“Stakliškės” kellu rwol fil-preservazzjoni tal-identità Litwana fiż-żminijiet tal-Unjoni Sovjetika, u llum huwa “ambaxxatur” perfett għal-Litwanja barra mill-pajjiż. Huwa jirrappreżenta l-Litwanja – meta qed jintgħażel tifkira jew rigal mil-Litwanja, dan ix-xorb huwa dejjem magħżul, flimkien mal-ambra jew ix-šakotis (kejk tradizzjonali Litwan). Mill-2011, l-UAB Lietuviškas midus qed tagħmel turs bil-gwida, fejn il-viżitaturi jitgħallmu dwar metodu tant antik li bih isir ix-xorb tal-mead, u jkollhom l-opportunità li jduqu u jevalwaw dan u diversi tipi oħra ta' xorb. Il-viżitaturi jogħġobhom il-mead“Stakliškės” l-iżjed minħabba t-togħma tiegħu u ismu, li jassoċjawh mal-post li żaru. Fl-2011 kien hemm 1 040 viżitatur, u n-numru diġà se jilħaq madwar 1 800 fl-2012, li tikkonferma wkoll ir-reputazzjoni tal-mead“Stakliškės”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

http://www.zum.lt/l.php?tmpl_into=middle&tmpl_id=2702


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.