ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.160.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 160

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
6 ta' Ġunju 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 160/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.6896 – Spar/Allianz/JV) ( 1 )

1

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 160/02

Rata tal-kambju tal-euro

2

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 160/03

Avviż ta' bidu ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri tal-antidumping fir-rigward ta' importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan

3

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 160/04

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6897 – Shell/Repsol (Major Part of LNG Business)) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

6

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 160/05

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2) għar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

7

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

6.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.6896 – Spar/Allianz/JV)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 160/01

Fit-28 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ġermaniż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32013M6896. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

6.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-5 ta’ Ġunju 2013

2013/C 160/02

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3067

JPY

Yen Ġappuniż

130,13

DKK

Krona Daniża

7,4545

GBP

Lira Sterlina

0,85105

SEK

Krona Żvediża

8,6255

CHF

Frank Żvizzeru

1,2371

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,6050

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,846

HUF

Forint Ungeriż

294,67

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7024

PLN

Zloty Pollakk

4,2452

RON

Leu Rumen

4,4258

TRY

Lira Turka

2,4592

AUD

Dollaru Awstraljan

1,3647

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3509

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,1414

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6331

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6313

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 463,45

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

12,9501

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,0071

HRK

Kuna Kroata

7,5195

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 813,67

MYR

Ringgit Malażjan

4,0236

PHP

Peso Filippin

54,872

RUB

Rouble Russu

41,9595

THB

Baht Tajlandiż

39,880

BRL

Real Brażiljan

2,7483

MXN

Peso Messikan

16,6510

INR

Rupi Indjan

74,2010


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

6.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/3


Avviż ta' bidu ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri tal-antidumping fir-rigward ta' importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajwan

2013/C 160/03

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) iddeċidiet li tagħti bidu għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

Din ir-reviżjoni hija limitata għall-eżaminazzjoni tal-ambitu tal-prodott fir-rigward tal-kjarifika ta’ jekk ċerti tipi ta’ prodotti jaqgħux fl-ambitu tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan.

1.   Talba għal reviżjoni u inizjazzjoni ex-officio

It-talba għal reviżjoni tressqet minn Sheh Kai Precision Co., Ltd (“l-applikant”), produttur esportatur mit-Tajwan, għal importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajwan.

Billi l-miżuri japplikaw ukoll għal importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Kummissjoni ddeċidiet fuq inizjattiva tagħha stess li tibda reviżjoni għal importazzjonijiet li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

2.   Prodott

Il-prodott li huwa soġġett għal din ir-reviżjoni huwa ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli u partijiet tagħhom li bħalissa huma kklassifikati fil-kodiċijiet NM 7318 12 10, 7318 14 10, 7318 15 30, 7318 15 51, 7318 15 61 u 7318 15 70 (“il-prodott li qed jiġi rivedut”).

3.   Il-miżura eżistenti

Il-miżura li hemm bħalissa fis-seħħ hija dazju definittiv tal-antidumping impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 2/2012 (2).

4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni

L-applikant jitlob l-esklużjoni ta’ ċerti qfieli tal-azzar inossidabbli mill-ambitu tal-miżura tal-anti-dumping attwali. Il-prodott li allegatament se jiġi eskluż huwa l-viti bimetalliċi self-tapping u self-drilling, li jkollhom sieq u ras tal-azzar inossidabbli u ponta tal-azzar bil-karbonju li tippermetti li l-vit jiddrillja waħdu fit-toqba pilota tiegħu stess u li jaqta' l-kamin tiegħu stess f'metall ta' azzar iebes, li bħalissa jinsab taħt il-kodiċi NM ex 7318 14 10.

It-talba skont l-Artikolu 11(3) hija bbażata fuq evidenza prima facie li turi li l-karatteristiċi bażiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodott li se jiġi eskluż ivarjaw b’mod sinifikanti minn dawk tal-prodott li qed jiġi rivedut.

Għalhekk, huwa xieraq li l-każ jiġi rivedut safejn huwa kkonċernat l-ambitu tal-prodott. Kull Regolament li jista’ jirriżulta minn din ir-reviżjoni jista’ jkollu effett retroattiv sa mid-data tal-impożizzjoni tal-miżuri rilevanti, jew possibbilment aktar tard, pereżempju d-data wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż. L-operaturi kollha, u b’mod partikolari l-importaturi, huma mistiedna jressqu l-fehmiet tagħhom dwar din il-kwistjoni, u jissottomettu kull evidenza li tappoġġa dawn il-fehmiet.

5.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta' reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitata għall-eżaminazzjoni tal-iskop tal-prodott.

5.1.    Il-kwestjonarji

Sabiex tikseb it-tagħrif meqjus neċessarju għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-applikant, bħala produttur esportatur, lill-produtturi esportaturi magħrufa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajwan u lill-awtoritajiet ta' dawk il-pajjiżi, lill-industrija tal-Unjoni, lill-produtturi l-oħra magħrufa fl-Unjoni, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.2.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.3.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ trid tiġi ppreżentata fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.4.    Struzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha, inkluż it-tagħrif mitlub f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristrett” (3).

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali ta' dan skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista' jitwarrab.

Il-partijiet interessati huma mitluba jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (sottomissjonijiet li mhumiex kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tagħhom. Madankollu, kull prokura, ċertifikazzjonijiet iffirmati, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju għandhom jiġu sottomessi f'għamla ta' dokument, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tippreżenta s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih, f'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

Il-Kummissjoni Ewropea

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: N105 08/020

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22962219

Posta elettronika: TRADE-FASTENERS-PRODUCT-SCOPE@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti ta' skadenza stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk xi parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Smigħ jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn terzi persuni. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta’ smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet jitħaddmu b'mod sħiħ.

It-talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal seduti ta' smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha tiġi ppreżentata talba għal smigħ fil-limiti taż-żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti opportunitajiet ukoll biex issir seduta ta' smigħ li tinvolvi lill-partijiet u li tippermetti li jitressqu fehmiet differenti u jiġu offruti argumenti kuntrarji.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Trade: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni

L-investigazzjoni ta’ reviżjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar ta' dejta personali

Kull dejta personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (4).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 5, 7.1.2012, p. 1.

(3)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim tal-Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

6.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/6


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6897 – Shell/Repsol (Major Part of LNG Business))

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 160/04

1.

Fil-31 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta' proposta ta' konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha Shell Gas BV (“Shell Gas”, il-Pajjiżi l-Baxxi) u Shell España SA (“SESA”, Spanja), fl-aħħar mill-aħħar ikkontrollati minn Royal Dutch Shell plc (“Shell”, il-Pajjiżi l-Baxxi), jakkwistaw skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll sħiħ ta' parti sinifikanti tat-taqsima tan-negozju (it-“Target”) tal-gass naturali likwifikat (“LNG”) ta' Repsol SA (“RSA”, Spanja) u ta' Repsol Exploración SA (“REX”, Spanja), sussidjarja tal-RSA kkontrollata kollha kemm hi, permezz ta' xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Shell: Attiva madwar id-dinja kollha fl-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt u l-gass, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-gass naturali likwifikat, il-manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni u t-trasport bil-baħar ta’ prodotti taż-żejt u ta’ sustanzi kimiċi, u proġetti tal-enerġija rinnovabbli,

għal Target: Attiva madwar id-dinja kollha fil-produzzjoni u fil-fornitura bl-ingrossa ta’ LNG; attiva fi Spanja għall-ġenerazzjoni tal-elettriku.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6897 – Shell/Repsol (Major Part of LNG Business), fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

6.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/7


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2) għar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 160/05

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oġġezzjoni għal applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“MOHANT”

Nru tal-KE: SI-PDO-0005-0424-29.10.2004

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem

“Mohant”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Is-Slovenja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3.:

Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’ (1)

Il-“Mohant” huwa ġobon artab ta' kulur safrani fl-abjad, b'lewn beige jew kulur ċar lewn il-butir, b’aroma distinta u pikkanti, qawwija, punġenti u b'riħa u togħma distinta. Il-wiċċ tal-ġobon huwa lixx, nixef u malleabbli. L-għaġna ta’ ġewwa hija uniformi, lixxa, parzjalment elastika, ma tiddellikx faċilment sa tiddellek faċilment, magħġuna u tista’ tkun kemxejn imħattba. Minħabba l-metodu tradizzjonali tal-ixkumar tal-ħalib, il-“Mohant” matur irid ikun fih mill-inqas 35 % xaħam f’materja niexfa, mill-inqas 17 % proteina u 0,5 sa 2,5 % ta’ melħ.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-“Mohant” huwa magħmul minn ħalib tal-baqra mhux ipproċessat prodott fiż-żona ġeografika.

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

Il-baqar tal-ħalib huma prinċipalment mitmugħin il-foraġġ u l-għalf oħxon (mergħat, ħuxlief u għalf tas-sajlo), li jkunu prodotti fiż-żona ġeografika u li jridu jammontaw għal mill-inqas 75 % tal-materjal niexef tal-porzjon ta’ kuljum. Il-vitamini u s-supplimenti minerali huma permessi wkoll.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika identifikata

Il-ħalib irid ikun magħmul u l-“Mohant” għandu jsir fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

Il-“Mohant” huwa misjur fi btieti kbar taħt kundizzjonijiet anaerobiċi. Wara s-sajran, isir artab u faċli biex jiddellek, mingħajr ebda qoxra biex jipproteġih mit-tnixxif u l-ossidazzjoni. Il-ġobon għandu jitpoġġa direttament mill-btieti kbar għal ġol-ippakkeġġar tiegħu biex jibqgħu ppreservati l-proprjetajiet organolettiċi karatteristiċi tal-“Mohant” wara li jimmatura. Matul il-maturazzjoni anaerobika, jiġi prodott gass li jikkawża bwiet tal-arja ġol-ġobon stess; għalhekk huwa importanti ħafna li tingħata attenzjoni meta l-ġobon jitqiegħed fl-ippakkjar tiegħu, u l-bwiet tal-arja, li kapaċi jikkawżaw id-deterjorazzjoni mikrobijoloġika tal-prodott, għandhom ikunu ppressati 'l barra mal-ewwel.

Qabel ma jiġi ppakkjat, il-“Mohant” jiġi immedjatament magħġun u maqtugħ. Wara l-ippakkjar, il-vażett u l-għatu għandhom jinqaflu b’tikketta ta’ siġill, li tagħti prova li l-ippakkjar ma nfetaħx.

L-unika ħaġa li tista' tiżgura li l-“Mohant” jippreserva l-proprjetajiet organolettiċi speċifiċi kif ukoll is-sikurezza mikrobijoloġika tiegħu hija li jiġi ppakkjat kemm jista' jkun malajr fiż-żona ġeografika biss.

3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar

Il-“Mohant” għandu jkun ittikkettjat bl-isem “Mohant”, bil-logo “Samo eden je Mohant, Bohinj” (hemm Mohant, Bohinj wieħed biss), bl-indikazzjoni “Denominazzjoni tal-Oriġini Protetta” u s-simbolu tal-kwalità nazzjonali.

Image

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika fejn jiġi prodott il-ħalib u fejn il-“Mohant” huwa magħmul jinsab fil-qalba tal-Alpi Julian fil-konfini bejn is-summit tal-Kobla madwar il-Bohinjsko Sedlo għal mergħat tal-muntanji tal-Pečana, għal Rovtarica fid-direzzjoni ta' Soteska, lejn Kranjska Dolina madwar Pleša fid-direzzjoni ta' Mrzli Studenec lejn Debela Peč, għal Rjavina Triglav għal ġol-wied tal-Lagi Triglav, madwar Zgornja Komna għal Lepa Komna, madwar Tolminski Kuk sa Vogel, madwar il-mergħat tal-muntanji Raskovec permezz ta' Črna Prst sa Kobla.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika fejn jiġi prodott il-ħalib u huwa magħmul il-“Mohant” tinsab fil-Park Nazzjonali ta’ Triglav u fis-sit tan-Natura 2000. Hija mdawra fuq tliet naħat b'għoljiet għoljin, il-wied jinfetaħ biss lejn il-Lvant, fejn ix-xmara Sava Bohinjka qatgħet kanal fond.

Il-klima Alpina li għandha Xtiewi relattivament ibsin u kesħin u Sjuf qosra, tipprevali fiż-żona ġeografika. Huma tipiċi l-bidliet mgħaġġla fit-temp, b’ammonti kbar ta’ ħalbiet ta' xita qawwija. It-temperatura medja annwali hija ta' 7,7 °C fil-wied u 3,6 °C fuq il-muntanji. L-aktar xahar sħun huwa Lulju, u l-aktar xahar kiesaħ fil-wied huwa Jannar, imma Frar fil-muntanji.

Tali kundizzjonijiet pedoklimatiċi u tat-temp għandhom effett dirett fuq il-flora indiġena tal-mergħat u l-bwar fiż-żona ġeografika tal-Alpi. Il-flora tal-ġebla tal-ġir tal-Alpi fiż-żona ġeografika hija fost l-aktar sinjuri fl-Ewropa, billi aktar minn elf speċi ta’ pjanti differenti jikbru hemm, inklużi xi gruppi ta’ pjanti li ma jistgħux jiffjorixxu xi mkien ieħor. Bosta minnhom huma wkoll protetti.

Il-qrubija tal-Mediterran tidher bil-veġetazzjoni termofiliċi fl-għoljiet tan-nofsinhar tal-muntanji tal-Bohinj t'Isfel u ta’ Pršivec. Il-pjanti adattaw ruħhom għall-kundizzjonijiet ħarxa, juru bixra nana jew mifnija, jiżviluppaw malajr u b'riproduzzjoni perenni, b'weraq ħoxnin u ħafna drabi muxgħar. L-għeruq twal jippermettulhom jiksbu ħakma soda ġol-ħamrija u għall-fjuri tagħhom biex ikunu aktar kkuluriti.

Il-produzzjoni tal-ħalib tal-Alpi fiż-żona ġeografika, u li bih isir il-ġobon assoċjat miegħu, imur lura għas-seklu tlettax. In-nuqqas ta’ art li tinħarat, ix-Xtiewi twal u s-Sjuf qosra joffru spjegazzjoni għaliex in-nies tal-post ilhom jiffukaw iżjed fuq it-trobbija tal-bhejjem. Il-poplu tal-Bohinj żviluppaha f'arti fina. Fir-Rebbiegħa, ir-ragħajja bdew jirgħu l-bhejjem fuq għoljiet tar-raba' tal-ħuxlief, li kienu l-aktar mergħat baxxi, imbagħad kienu jieħdu l-bhejjem 'il fuq lejn il-mergħat tal-muntanji li jinstabu f'altitudni medja u f'altitudni għolja, u jġibuhom lura fil-livell tal-wied fil-Ħarifa.

Dritt 'il quddiem sa nofs is-seklu dsatax, kull bidwi tal-ħalib tal-muntanji kien jipproċessa l-ħalib f'prodotti tal-ħalib fuq il-mergħat tal-muntanji. F’dak iż-żmien il-“Mohant” kien diġà kiseb post speċjali fost il-prodotti tal-ħalib prodott mill-bdiewa fuq il-mergħat tal-muntanji.

Diversi sorsi bil-miktub u orali jiċċertifikaw l-istorja ta’ kif isir il-“Mohant” u l-użu tal-isem “Mohant” fiż-żona ġeografika. Dr. Marko Snoj jgħid fis-Slovenski etimološki slovar (Dizzjunarju etimoloġiku Sloven), ippubblikat fl-2003, li l-isem “Mohant” imur lura għas-seklu tmintax. Dan is-suġġett, il-produzzjoni tal-“Mohant” f’Bohinj, jissemma f'kapitolu twil madwaru fil-ktieb ta' Anton Pevc Sirarstvo (fuq il-produzzjoni tal-ġobon), ippubblikat f’1925. Il-mod tradizzjonali ta' kif isir il-“Mohant” ġie wkoll deskritt minn Anka Novak fil-Bohinjski Zbornik tal-1987. Iż-żewġ stadji tal-metodu ta' produzzjoni tradizzjonali huma distinti b’mod partikolari: l-istadju li fih il-baqta tal-qmuħ titħalla titqiegħed fil-qiegħ tal-vat wara t-tnixxif, u l-istadju li fih il-maturazzjoni ssir f'btieti speċjali (deže), fejn il-kundizzjonijiet anaerobiċi huma garantiti. Il-“Mohant” għadu prodott sal-lum bil-metodi tradizzjonali.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

L-ispeċifiċità tal-“Mohant” hija t-tipika riħa intensa ħafna u t-togħma pikkanti tiegħu, li kapaċi tkun ukoll xi ftit morra. Ir-riħa u t-togħma tal-ġobon jistgħu jkunu diżgustanti għal ħafna nies, iżda huma tipiċi tal-“Mohant” u għalhekk jagħmluh uniku fost il-ġobnijiet.

Karatteristika speċifika oħra hija l-għamla tiegħu, li jista’ jiddellek u jista’ jkun kemxejn imħattab.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-karatteristiċi li jiddistingwu l-“Mohant” minn ġobnijiet oħra huma marbuta bil-qrib maż-żona ġeografika fejn jiġi prodott. Il-flora indiġena tal-bwar, il-mergħat u l-mergħat tal-muntanji fiż-żona ġeografika hija influwenzata mill-karatteristiċi pedoklimatiċi tagħhom u t-temp. Il-flora tal-ġebla tal-ġir tal-Alpi fiż-żona ġeografika hija fost l-aktar sinjuri fl-Ewropa, billi aktar minn elf speċi ta’ pjanti differenti jikbru hemm, inklużi xi gruppi ta’ pjanti li ma jistgħux jiffjorixxu xi mkien ieħor. Hemm ċerti pjanti minn dawn li huma wkoll protetti. L-għalf li jingħata lill-baqar tal-ħalib huwa prodott fiż-żona ġeografika. Il-flora indiġena sinjura għandha influwenza kbira fuq l-ispeċifiċità tal-“Mohant”. Minħabba din il-flora, il-ħalib mhux ipproċessat li minnu huwa magħmul il-“Mohant” jippossjedi karatteristiċi organolettiċi speċjali li jieħdu rwol fid-determinazzjoni tar-riħa u t-togħma speċifika tal-“Mohant” li jiddistingwuha minn ġobnijiet oħra. Minħabba li l-ħalib ma jkunx termizzat jew soġġett għal proċeduri teknoloġiċi intensivi, restrittivi jew ħorox (temperaturi tat-tkessiħ eċċessivament baxxi, trattament bis-sħana f’temperaturi għoljin ħafna, proċeduri twal ta’ maturazzjoni tal-ħalib), il-mikroflora indiġena spontanja varjata u benefiċċjali tipprevjeni l-iżvilupp ta' mikroorganiżmi patoġeniċi mhux mixtieqa.

Il-metodu tradizzjonali tal-produzzjoni, li huwa mgħoddi minn ġenerazzjoni għall-oħra, għandu wkoll influwenza konsiderevoli fuq ir-riħa, it-togħma u l-konsistenza tal-“Mohant”. Il-ġobon huwa tradizzjonalment misjur f’kundizzjonijiet anaerobiċi fi btieti kbar speċjali (deže). Waqt il-maturazzjoni, il-proteini huma mqassma f’aċidi amminiċi. Dan jirrilaxxa gass, li hija r-raġuni għaliex il-ġobon isir kapaċi jiddellek u jiżviluppa r-riħa u t-togħma karatteristiċi tiegħu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni

(Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

http://www.mko.gov.si/fileadmin/mko.gov.si/pageuploads/podrocja/Varna_in_kakovostna_hrana_in_krma/zasciteni_kmetijski_pridelki/Specifikacije/MOHANT_SP_EU.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.