ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.CA2013.131.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 131A

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
8 ta' Mejju 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO)

2013/C 131A/01

Avviż ta' kompetizzjoni ġenerali

1

REVIŻJONI TAL-ĠU C A KOMPETIZZJONI

Hawn taħt għandek issib il-lista ta' C A ppubblikati matul din is-sena.

Ħlief meta indikat mod ieħor, il-Ġurnali Uffiċjali huma ppubblikati fil-lingwi kollha.

5

 

27

(RO)

29

 

33

 

34

 

36

(DA)

41

(BG)

43

(EN)

49

(ET)

50

(HU)

51

(SL)

54

(DE/EN/FR)

58

(EN/GA)

75

 

81

 

82

 

88

(BG)

89

(CS)

94

 

104

 

109

 

111

 

112

(DE/EN/FR)

117

(ET)

118

 

120

 

131

 

MT

 


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO)

8.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 131/1


AVVIŻ TA' KOMPETIZZJONI ĠENERALI

(2013/C 131 A/01)

L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) qed jorganizza żewġ kompetizzjonijiet ġenerali abbażi ta' kwalifiki u eżamijiet sabiex tinħoloq lista ta' riżerva għar-reklutaġġ ta' assistenti (AST 3) (1).

EPSO/AST/127/13 — QARREJJA TAL-PROVI TAL-LINGWA GRIEGA (EL)

EPSO/AST/128/13 — QARREJJA TAL-PROVI TAL-LINGWA PORTUGIŻA (PT)

L-għan ta' dawn il-kompetizzjonijiet hu li jfasslu listi ta' riżerva maħsuba biex jimlew postijiet vakanti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fl-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu.

Qabel tapplika, għandek taqra bir-reqqa l-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali C 270 A tas-7 ta' Settembru 2012 kif ukoll fuq il-websajt tal-EPSO.

Din il-gwida, li tagħmel parti integrali mill-avviż ta' kompetizzjoni, se tgħinek tifhem ir-regoli dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni.

WERREJ

I.

QAFAS ĠENERALI

II.

NATURA TAL-FUNZJONIJIET

III.

KUNDIZZJONIJIET TA' AMMISSJONI

IV.

TESTIJIET TA' DĦUL

V.

AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONIJIET U SELEZZJONI ABBAŻI TAL-KWALIFIKI

VI.

KOMPETIZZJONI ĠENERALI

VII.

LISTI TA' RIŻERVA

VIII.

KIF TAPPLIKA?

I.   QAFAS ĠENERALI

1.

Numru ta' kandidati magħżula għal kull kompetizzjoni

EPSO/AST/127/13 — EL 12

EPSO/AST/128/13 — PT 12

2.

Kummenti

Dan l-avviż jinkludi żewġ kompetizzjonijiet. Int tista' tapplika għal kompetizzjoni waħda biss.

Din l-għażla għandha ssir fil-ħin tal-applikazzjoni elettronika u ma tistax tinbidel ladarba tkun ikkonfermajt u vvalidajt l-applikazzjoni tiegħek b'mod elettroniku.

Dawn il-kompetizzjonijiet huma maħsuba għall-kandidati li għandhom kompetenza perfetta, kemm fil-kitba kif ukoll fl-oral, fil-lingwa tal-kompetizzjoni (fil-livell tal-lingwa materna jew ekwivalenti). Jekk ma għandekx dan il-livell, natuk parir li ma tapplikax.

II.   NATURA TAL-FUNZJONIJIET

Il-qarrejja tal-provi huma responsabbli mill-korrezzjoni ta' testi mhux leġiżlattivi u dawk leġiżlattivi adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew tagħrif tal-Unjoni Ewropea f'termini ta' lingwa u tipografija, fuq il-karta jew billi jużaw għodod tas-software. Dan jinvolvi:

Ipproċessar tal-manuskritti:

tħejjija u tindif tal-manuskritti f'termini ta' lingwa, terminoloġija, regoli tal-istil eċċ. fuq il-kompjuter jew fuq il-karta,

tħejjija ta' testi li għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali,

tħejjija ta' manuskritti fil-lingwa oriġinali qabel l-adozzjoni,

tħejjija ta' manuskritti fir-rigward tat-tipografija, l-arranġament tal-paġni u kif ukoll f'termini ta' struttura (bl-użu ta' XML editors) billi jivverifikaw jekk dawn humiex konsistenti mal-lingwa oriġinali,

ikkupjar-editjar fuq talba tal-awtur.

Qari tal-provi ta' provi:

tqabbil tal-provi mal-manuskritti jew provi preċedenti,

verifikar tal-werrej.

Komunikazzjoni mal-aġent tal-produzzjoni

Kontroll tal-kwalità

verifikar dwar jekk il-karta ppubblikata u/jew il-verżjonijiet elettroniċi humiex uniformi u konformi,

verifikar tal-kwalità lingwistika għal servizzi oħra,

verifikar tal-korrezzjonijiet magħmula minn qarrejja tal-provi esterni,

korrezzjoni tat-testijiet ta' kandidati għal persunal ta' appoġġ għall-qarrejja tal-provi.

Żvilupp u aġġornament tal-Gwida tal-Istil Interistituzzjonali

Titjib u manutenzjoni ta' għodod tas-software

parteċipazzjoni fl-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet funzjonali u l-ittestjar ta' għodod tas-software,

parteċipazzjoni fl-iżvilupp u l-aġġornament ta' listi ta' kliem għall-korrezzjoni awtomatika.

Arkivjar ta' dokumentazzjoni tal-unità

III.   KUNDIZZJONIJIET TA' AMMISSJONI

Fid-data ta' għeluq stabbilita għall-applikazzjoni elettronika, int għandek tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha ġenerali u speċifiċi li ġejjin:

1.

Kundizzjonijiet ġenerali

(a)

Tkun ċittadin ta' wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

(b)

Tgawdi mid-drittijiet ċivili tiegħek.

(c)

Tkun wettaqt kwalunkwe obbligu impost mil-liġijiet dwar ir-reklutaġġ applikabbli fil-qasam militari.

(d)

Tipproduċi r-referenzi dwar il-karattru meħtieġa, li jindikaw li int tajjeb biex twettaq il-funzjonijiet previsti.

2.

Kundizzjonijiet speċifiċi

2.1.

Kwalifiki

Jew a)

Livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji postsekondarji kkompletati, iċċertifikati b'lawrja fi tmiem l-istudju, li jkollha x'taqsam man-natura tal-funzjonijiet.

Jew b)

Livell ta' edukazzjoni sekondarja, ġenerali jew teknika, iċċertifikat minn lawrja li tagħti aċċess għall-edukazzjoni għolja segwita minn esperjenza professjonali ta' perjodu minimu ta' tliet snin f'qasam ta' attività tal-Istituzzjonijiet Ewropej u livell ekwivalenti għal dak tal-kompetizzjoni.

NB: Dawn it-tliet snin ma jingħaddux mal-għadd ta' snin ta' esperjenza professjonali mitluba hawn isfel.

2.2.

Esperjenza professjonali

Esperjenza professjonali ta' mhux inqas minn tliet snin fil-qasam tal-korrezzjoni tipografika, l-editjar jew tal-produzzjoni ta' pubblikazzjonijiet għall-pubbliku.

Din l-esperjenza professjonali hija rilevanti biss jekk tkun inkisbet wara l-għoti tal-lawrja li tagħti aċċess għall-kompetizzjoni u fil-lingwa tal-kompetizzjoni.

2.3.

Għarfien lingwistiku (2)

Skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Awla Manja) fil-kawża C-566/10 P, ir-Repubblika Taljana / il-Kummissjoni, l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta, fil-qafas tal-kompetizzjoni preżenti, jistqarru r-raġunijiet għal-limitu tal-għażla tat-tieni lingwa għal għadd limitat ta' lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

Għaldaqstant il-kandidati huma infurmati li l-għażliet tat-tieni lingwa aċċettati għal din il-kompetizzjoni ġew definiti b'konformità mal-interess tas-servizz li jesiġi li dawk li jiġu rreklutati jkunu jistgħu jibdew jaħdmu mal-ewwel u jikkomunikaw b'mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta' kuljum. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet jista' jiġi affettwat ħażin ħafna.

Abbażi tal-prassi tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni li ilha titħaddem fir-rigward tal-lingwi użati għal komunikazzjoni interna u b'kunsiderazzjoni wkoll tal-ħtiġijiet tas-servizzi dwar il-komunikazzjoni esterna u l-immaniġġar tal-fajls, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż jibqgħu l-aktar lingwi użati. Barra minn hekk, l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż bla dubju huma t-tieni lingwa l-aktar magħżula mill-kandidati tal-kompetizzjonijiet meta dawn ikollhom il-possibbiltà li jagħżlu t-tieni lingwa tagħhom. Dan jikkonferma l-livell ta' edukazzjoni u l-kompetenzi professjonali li attwalment wieħed jista' jistenna mill-kandidati f'pożizzjonijiet fl-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, jiġifieri l-għarfien ta' mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi. Konsegwentement, meta wieħed iqabbel l-interess tas-servizz u l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tal-kandidati, meta jitqies il-qasam partikolari ta' din il-kompetizzjoni, ikun ġust li jiġu organizzati testijiet f'dawn it-tliet lingwi sabiex jiġi żgurat li, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom, il-kandidati kollha jkunu jafu tajjeb mill-inqas waħda mit-tliet lingwi uffiċjali fil-livell ta' xogħol.

Barra minn hekk, fl-interess ta' trattament ugwali tal-kandidati kollha, inklużi dawk li l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom hija waħda minn dawn it-tlieta, kulħadd huwa meħtieġ li jagħmel it-test fit-tieni lingwa tiegħu, magħżula minn fost dawn it-tliet lingwi. Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b'dan il-mod tippermetti lill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jevalwaw il-kapaċità tal-kandidati li jkunu jistgħu jaħdmu minnufih f'ambjent simili għal dak li jsibu fl-impjieg. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jaffettwawx it-tagħlim ulterjuri tat-tielet lingwa ta' ħidma, b'konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

(a)

Lingwa 1

Lingwa prinċipali:

kompetenza eċċellenti tal-lingwa tal-kompetizzjoni

(b)

Lingwa 2

It-tieni lingwa:

għarfien sodisfaċenti tal-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż

IV.   TESTIJIET TA' DĦUL

Dawn it-testijiet ta' dħul fuq kompjuter se jiġu organizzati biss jekk in-numru tal-kandidati li japplikaw ikun ogħla minn ċertu limitu. Il-limitu jiġi determinat mid-Direttur tal-EPSO bħala Awtorità tal-Ħatra (autorité investie du pouvoir de nomination — AIPN), wara li tagħlaq ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet. Dan il-limitu jista' jvarja minn kompetizzjoni għall-oħra u int tkun infurmat permezz tal-kont EPSO tiegħek

Il-bord tas-selezzjoni jiddetermina l-livell ta' diffikultà tat-testijiet u japprova s-sustanza tagħhom abbażi tal-proposti magħmula mill-EPSO.

1.

Stedina għat-testijiet

Inti tiġi mistieden għat-testijiet jekk tkun ivvalidajt l-applikazzjoni tiegħek fil-ħin (ara t-Taqsima VIII).

Attenzjoni:

1)

meta tivvalida l-applikazzjoni tiegħek, inti tiddikjara li tissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi tat-Taqsima III;

2)

biex tipparteċipa fit-testijiet, trid tirriżerva data; din ir-riżervazzjoni għandha bilfors issir fiż-żmien li jiġi indikat lilek permezz tal-kont EPSO.

2.

Deskrizzjoni tat-testijiet u dettalji dwar il-marki

Sensiela ta' testijiet ibbażati fuq mistoqsijiet b'għażla multipla bl-għan li jiġu evalwati l-kapaċitajiet u l-kompetenzi ġenerali tiegħek fir-rigward ta':

Test a)

raġunament verbali

marki: minn 0 sa 20 punt

minimu meħtieġ: 10 punti

Test b)

raġunament numeriku

marki: minn 0 sa 10 punti

Test c)

raġunament astratt

marki: minn 0 sa 10 punti

 

Il-minimu meħtieġ għaż-żewġ testijiet b) u c) huwa ta' 10 punti

3.

Lingwa tat-testijiet

Lingwa 1

V.   AMMISSJONI GĦALL-KOMPETIZZJONIJIET U SELEZZJONI ABBAŻI TAL-KWALIFIKI

1.   Proċedura

L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi kif ukoll is-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki l-ewwel isiru skont id-dikjarazzjonijiet li tkun ipprovdejt fl-applikazzjoni tiegħek.

(a)

Ir-risposti tiegħek għall-mistoqsijiet dwar il-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi se jkunu pproċessati sabiex jiġi ddeterminat jekk inti tagħmilx parti mil-lista tal-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-ammissjoni għall-kompetizzjoni.

Fil-każ li t-testijiet ta' dħul jkunu organizzati minn qabel, l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi ssir, f'ordni dixxendenti tal-punti miksuba, għal kull kompetizzjoni, sakemm jintlaħaq in-numru stabbilit mill-AIPN għall-kandidati li:

kisbu kemm il-minimu meħtieġ kif ukoll l-aħjar marki fit-testijiet ta' dħul u

jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni għall-kompetizzjoni

F'każ li diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka għall-aħħar post, dawn il-kandidati kollha se jiġu kkunsidrati għall-fażi ta' selezzjoni abbażi tal-kwalifiki. L-applikazzjonijiet elettroniċi tal-kandidati li jiġu kklassifikati taħt dan il-limitu mhux se jkunu eżaminati.

(b)

Imbagħad, mill-kandidati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni għall-kompetizzjoni, il-bord tas-selezzjoni jagħmel għażla abbażi tal-kwalifiki sabiex jidentifika dawk il-kandidati li għandhom l-aktar kwalifiki rilevanti (speċjalment diplomi u esperjenza professjonali) meta mqabbla mad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet u l-kriterji għas-selezzjoni deskritti f'dan l-avviż ta' kompetizzjoni. Din is-selezzjoni ssir biss fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tiegħek ipprovduti fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” (“Talent Screener”) u ssir f'żewġ stadji:

l-ewwel selezzjoni abbażi tal-kwalifiki ssir biss skont ir-risposti mmarkati fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” (“Talent Screener”) tal-applikazzjoni u skont il-piż ta' kull waħda minn dawn il-mistoqsijiet. Skont l-importanza mogħtija lil kull kriterju msemmi fil-punt 3 hawn taħt, il-Bord tas-Selezzjoni jistabbilixxi dan il-piż (minn 1 sa 3) qabel ma jipproċedi għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet. Imbagħad, l-applikazzjonijiet elettroniċi tal-kandidati li jkunu kisbu l-akbar numru ta' punti jgħaddu għat-tieni selezzjoni,

in-numru ta' fajls evalwati matul din it-tieni selezzjoni huwa ekwivalenti, għal kull kompetizzjoni, għal madwar disa' darbiet in-numru ta' kandidati magħżula indikat f'dan l-avviż ta' kompetizzjoni. Il-bord tas-selezzjoni jeżamina r-risposti tal-kandidati u jagħtihom marka minn 0 sa 4 għal kull risposta. Il-marki, immultiplikati bil-piż mogħti lil kull mistoqsija, jingħaddu ma' xulxin biex tinkiseb il-marka globali.

Imbagħad, il-bord tas-selezzjoni jistabbilixxi klassifika tal-kandidati skont dawn il-marki globali. In-numru ta' kandidati mistiedna (3) għat-testijiet ta' evalwazzjoni jikkorrispondi għal mhux iktar minn tliet darbiet in-numru ta' kandidati magħżula. Dan in-numru se jkun ippubblikat fuq il-websajt tal-EPSO (http://blogs.ec.europa.eu/eu-careers.info/).

2.   Verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-kandidati

Meta joħorġu r-riżultati tat-testijiet, u fid-dawl ta' dawn ir-riżultati, id-dikjarazzjonijiet li jsiru mill-kandidati fl-applikazzjoni elettronika tagħhom se jiġu vverifikati mill-EPSO għall-konformità mal-kundizzjonijiet ġenerali, filwaqt li l-Bord ta' Selezzjoni jagħmel l-istess għall-kundizzjonijiet speċifiċi abbażi tad-dokumenti ġustfikattivi pprovduti mill-kandidati. Għall-evalwazzjoni tal-kwalifiki, id-dokumenti ġustifikattivi se jkunu kkunsidrati biss biex jikkonfermaw ir-risposti diġà mogħtija fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” (“Talent Screener”). Jekk matul din il-verifika jinstab li dawn id-dikjarazzjonijiet (4) mhumiex ikkonfermati mid-dokumenti ġustifikattivi rilevanti, il-kandidati kkonċernati jiġu esklużi mill-kompetizzjoni.

Il-verifika ssir b'ordni dixxendenti ta' mertu, għall-kandidati li kisbu l-minimu meħtieġ u l-aħjar marki totali għall-eżamijiet d), e), f) u g). Il-kandidati jridu wkoll ikunu ġabu l-minimu meħtieġ fit-testijiet tal-kapaċità a), b) u c). Din il-verifika tibqa' ssir sakemm jintlaħaq in-numru ta' kandidati li jistgħu jitniżżlu fil-lista ta' riżerva u li effettivament jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha tal-ammissjoni. Id-dokumenti ġustifikattivi tal-kandidati li jikklassifikaw taħt dan in-numru, mhux se jiġu eżaminati.

3.   Kriterji għas-selezzjoni

Fil-qafas tas-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki, il-bord tas-selezzjoni se jikkunsidra l-kriterji li ġejjin:

1.

Esperjenza professjonali, mibarra minn dik mitluba fit-Taqsima III, il-punti 2.1 u 2, fil-qasam tal-korrezzjoni tal-pubblikazzjonijiet, fil-lingwa Griega/Portugiża.

2.

Esperjenza professjonali, minbarra dik mitluba fit-Taqsima III, punt 2.1 u 2, f'qasam wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

l-editjar jew il-produzzjoni tal-pubblikazzjoni, fil-lingwa Griega/Portugiża,

it-traduzzjoni fil-lingwa Griega/Portugiża,

it-tagħlim tal-lingwa Griega/Portugiża jew il-produzzjoni ta' materjal didatiku fil-lingwa Griega/Portugiża,

il-ġurnaliżmu (stampa miktuba) fil-lingwa Griega/Portugiża.

3.

Lawrja universitarja fil-lingwa Griega/Portugiża b'rabta mal-pubblikazzjoni, il-ġurnaliżmu jew l-istudju tal-lingwa (pereżempju lingwistika, litteratura, tagħlim tal-lingwa Griega/Portugiża bħala lingwa materna jew barranija).

4.

Għarfien sodisfaċenti (livell minimu mitlub: livell B2 tal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi (QKER)) tal-Ġermaniż, l-Ingliż jew tal-Franċiż (differenti mit-tieni lingwa magħżula mill-kandidat), li jwassal għal ċertifikat, lawrja jew provi oħra.

VI.   KOMPETIZZJONI ĠENERALI

1.

Stedina għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni

Jekk inti tkun wieħed mill-kandidati (5):

li skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom fl-applikazzjoni elettronika, jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni ġenerali u speċifiċi tat-Taqsima III,

u

li kisbu waħda mill-aħjar marki fis-selezzjoni abbażi tal-kwalifiki,

inti tiġi mistieden għat-testijiet (6) ta' evalwazzjoni li normalment isiru fil-Lussemburgu, mifruxa fuq ġurnata waħda jew tnejn.

2.

Ċentru ta' evalwazzjoni

Inti tintalab twettaq tliet tipi ta' evalwazzjoni:

il-ħiliet tiegħek fir-rigward tar-raġunament (ħlief jekk dawn ma kienux diġà evalwati waqt it-testijiet ta' dħul organizzati minn qabel): testijiet a), b) u c),

kompetenzi speċifiċi: punt d) u e),

kompetenzi ġenerali: punti f) u g);

il-ħiliet tiegħek fil-qasam tar-raġunament permezz ta' dawn it-testijiet (7) li ġejjin:

(a)

test tar-raġunament verbali;

(b)

test tar-raġunament numeriku;

(c)

test ta' raġunament astratt;

il-kompetenzi speċifiċi fil-qasam permezz tal-punti li ġejjin:

(d)

il-korrezzjoni ta' test (ortografija u grammatika) fil-lingwa tal-kompetizzjoni (Lingwa 1) u l-korrezzjoni ta' serje ta' provi tal-istampa (ortografija, grammatika u tipografija) fil-lingwa tal-kompetizzjoni (Lingwa 1) permezz ta' manuskritti (+/-3 sigħat);

(e)

intervista strutturata dwar il-kompetenzi fil-qasam, abbażi tar-risposti li tkun tajt fis-sezzjoni “Evalwazzjoni tal-Kapaċitajiet” tal-applikazzjoni;

il-kompetenzi ġenerali tiegħek  (8) permezz tal-punti li ġejjin:

(f)

eżerċizzju fi grupp;

(g)

intervista strutturata dwar il-kompetenzi ġenerali.

Se jiġu ttestjati dawn il-kompetenzi ġenerali skont it-tabella li ġejja:

 

Eżerċizzju fi grupp

Intervista strutturata

Analiżi u soluzzjoni tal-problemi

X

 

Komunikazzjoni

 

X

Kwalità u riżultati

 

X

Tagħlim u żvilupp

X

X

Prijoritizzazzjoni u organizzazzjoni

X

X

Reżiljenza

X

X

Ħidma fi grupp

X

 

3.

Lingwa tal-eżamijiet

Lingwa 1 għall-punti a), b), c) u d)

Lingwa 2 għall-punti e), f) u g)

4.

Marki

Kapaċitajiet ta' raġunament

(a)

verbali: minn 0 sa 20 punt

minimu meħtieġ: 10 punti

(b)

numeriku: minn 0 sa 10 punti

(c)

astratt: minn 0 sa 10 punti

minimu meħtieġ għaż-żewġ testijiet b) u c): 10 punti

It-testijiet a), b) u c) huma eliminatorji iżda l-punti tagħhom mhux se jkunu miżjuda mal-punti ta' testijiet oħra.

Kompetenzi speċifiċi

test d)

:

minn 0 sa 60 punt

minimu meħtieġ: 30 punt

test e)

:

minn 0 sa 40 punt

minimu meħtieġ: 20 punt

piż: 65 % tal-marka globali

Kompetenzi ġenerali (eżamijiet f u g)

minn 0 sa 10 punti għal kull kompetenza ġenerali

minimu meħtieġ:

 

3 punti għal kull kompetenza u

 

35 punt minn 70 għas-7 kompetenzi ġenerali kollha

piż: 35 % tal-marka globali

VII.   LISTI TA' RIŻERVA

1.

Kandidati li jiddaħħlu fil-listi ta' riżerva

Il-bord tas-selezzjoni jniżżel ismek fil-lista ta' riżerva

jekk inti tkun fost il-kandidati (9) li jkunu kisbu l-marki minimi meħtieġa għall-punti kollha a) sa g) u waħda mill-aħjar marki għall-eżamijiet d), e), f) u g) (ara l-għadd ta' dawk li jgħaddu, Titolu I, punt 1),

u jekk, fid-dawl tad-dokumenti ġustifikattivi, inti tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha tad-dħul.

2.

Klassifika

Listi stabbiliti skont il-kompetizzjoni u f'ordni alfabetika.

VIII.   KIF TAPPLIKA?

1.

Applikazzjoni elettronika

Għandek tapplika b'mod elettroniku billi ssegwi l-proċedura indikata fuq il-websajt tal-EPSO, u b'mod speċjali fil-Manwal tal-Applikazzjoni.

Data tal-għeluq (inkluża l-validazzjoni): il-11 ta' Ġunju 2013 f'12:00 (nofsinhar), ħin ta' Brussell

2.

Fajl tal-applikazzjoni

Jekk inti tkun fost il-kandidati ammessi għall-eżami ta' evalwazzjoni, inti tkun trid iġġib miegħek (10) il-fajl komplut tal-kandidatura (l-applikazzjoni elettronika ffirmata flimkien ma' dokumenti ġustifikattivi) meta inti tiġi fiċ-ċentru ta' evalwazzjoni.

Kundizzjonijiet: ara l-punt 6.1 tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali.


(1)  F'dan l-avviż kull referenza għal persuna tas-sess maskil hija wkoll għal persuna tas-sess femminil.

(2)  Ara l-Qafas ta' Referenza Komuni Ewropew għal-Lingwi (CECR) — livell minimu rikjest: lingwa 1 = C2, lingwa 2 = B2 —

(http://europass.cedefop.europa.eu/europass/home/hornav/Downloads/CEF/LanguageSelfAssessmentGrid.csp).

(3)  Il-kandidati li ma jiġux mistiedna għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni jirċievu r-riżultati tal-evalwazzjoni tagħhom kif ukoll il-piż ta' kull mistoqsija mingħand il-Bord tas-Selezzjoni.

(4)  Din l-informazzjoni tiġi verifikata, abbażi tad-dokumenti ġustifikattivi, qabel ma tiġi stabbilita l-lista ta' riżerva (ara t-Taqsima VII, il-punt 1 u t-Taqsima VIII, il-punt 2).

(5)  Jekk fil-każ li fl-aħħar post diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka, dawn il-kandidati jkunu ammessi għat-testijiet ta' evalwazzjoni.

(6)  Minħabba raġunijiet ta' organizzazzjoni, it-testijiet ta' raġunament jistgħu jsiru f'ċentri tal-ittestjar li jinsabu fl-Istati Membri, indipendentement minn testijiet ta' evalwazzjoni oħra.

(7)  Il-kontenut ta' dawn l-elementi huwa vvalidat mill-Bord tas-Selezzjoni.

(8)  Dawn il-kompetenzi huma mfissra fid-detall fil-punt 1.2 tal-gwida applikabbli għall-kompetizzjoni ġenerali.

(9)  Fil-każ li, diversi kandidati jkunu kisbu l-istess marka għall-aħħar post, dawn il-kandidati kollha se jitniżżlu fil-lista ta' riżerva.

(10)  Id-data ta' meta inti għandek tmur għaċ-ċentru ta' evalwazzjoni tiġi kkomunikata lilek fi żmien opportun permezz tal-kont tiegħek mal-EPSO.