ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.078.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 78

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
16 ta' Marzu 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 078/01

Opinjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Marzu 2013 dwar il-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta mid-diżattivazzjoni tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Latina, li jinsab f'Latina, fir-reġjun ta’ Latium, l-Italja

1

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 078/02

Rata tal-kambju tal-euro

3

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 078/03

Sejħa għall-proposti taħt il-programm ta' ħidma ENIAC Joint Undertaking

4

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 078/04

Il-pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Arikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

5

2013/C 078/05

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 dwar is-sistemi ta’ kwalità applikabbli għall-prodotti agrikoli u għall-oġġetti tal-ikel

9

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kummissjoni Ewropea

16.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 78/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Marzu 2013

dwar il-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta mid-diżattivazzjoni tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Latina, li jinsab f'Latina, fir-reġjun ta’ Latium, l-Italja

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

2013/C 78/01

Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Euratom, u hija bla ħsara għal kwalunkwe valutazzjoni oħra li jitwettqu skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja (1).

Fil-18 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern Taljan, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, Dejta Ġenerali dwar il-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta mid-diżattivazzjoni tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Latina.

Abbażi ta' din id-dejta u t-tagħrif addizzjonali mitlub mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Ottubru 2012 u pprovdut mill-awtoritajiet Taljani fis-17 ta’ Diċembru 2012, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta' Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

(1)

Id-distanzi bejn is-sit ta' Latina u l-eqreb fruntiera ma' Stat Membru ieħor huma 290 km għal Franza u 460 km għas-Slovenja.

(2)

Tul l-operazzjonijiet normali ta’ diżattivazzjoni tal-impjant, mhux qed jitqies probabbli li l-ħruġ ta’ effluwenti likwidi u gassużi radjuattivi jwassal għal xi esponiment sinifikanti mil-lat ta' saħħa tal-popolazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor.

(3)

L-iskart radjuattiv solidu se jinħażen fuq il-post sakemm ikun disponibbli repożitorju nazzjonali.

(4)

L-iskart solidu jew inkella l-fdalijiet ta’ materjal li ma jkunux radjuattivi, f’konformità mal-livelli ta’ approvazzjoni, se jiġu rilaxxati mill-kontroll regolatorju għar-rimi bħala skart konvenzjonali, għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ. Dan se jsir b’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza (id-Direttiva 96/29/Euratom).

(5)

Fil-każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi li jistgħu jirriżultaw minn xi inċident tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li x'aktarx jilħqu lill-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor mhux se jkunu sinifikanti mil-lat ta' saħħa.

Il-Kummissjoni tikkonkludi li hi tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv fi kwalunkwe għamla li jirriżulta mid-diżattivazzjoni tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Latina, li jinsab f’Latina, fir-reġju ta’ Latium, l-Italja, kemm waqt il-proċess normali kif ukoll fil-każ ta’ xi inċident tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, mhux qed jitqies probabbli li se twassal għal tniġġis radjuattiv li jkun sinifikanti mil-lat ta' saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ xi Stat Membru ieħor.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali għandhom jiġu vvalutati aktar. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, 2001/42/KE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi u d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

16.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 78/3


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-15 ta’ Marzu 2013

2013/C 78/02

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3086

JPY

Yen Ġappuniż

125,56

DKK

Krona Daniża

7,4581

GBP

Lira Sterlina

0,86400

SEK

Krona Żvediża

8,3515

CHF

Frank Żvizzeru

1,2308

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,5325

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,575

HUF

Forint Ungeriż

305,11

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7014

PLN

Zloty Pollakk

4,1505

RON

Leu Rumen

4,3931

TRY

Lira Turka

2,3666

AUD

Dollaru Awstraljan

1,2609

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3352

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,1525

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5888

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6334

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 452,89

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

12,0108

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,1354

HRK

Kuna Kroata

7,5825

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 701,42

MYR

Ringgit Malażjan

4,0877

PHP

Peso Filippin

53,121

RUB

Rouble Russu

40,0750

THB

Baht Tajlandiż

38,656

BRL

Real Brażiljan

2,5785

MXN

Peso Messikan

16,2443

INR

Rupi Indjan

70,6710


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

16.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 78/4


Sejħa għall-proposti taħt il-programm ta' ħidma ENIAC Joint Undertaking

2013/C 78/03

B'dan qed jingħata avviż tat-tnedija ta' sejħa għall-proposti taħt il-programm ta' ħidma ENIAC Joint Undertaking

Jintlaqgħu proposti għas-sejħa li ġejja: ENIAC-2013-2.

Id-dokumentazzjoni tas-sejħa li tinkludi l-iskadenza u l-baġit jinsabu fit-test tas-sejħa, li huwa ppubblikat fuq is-sit li ġej:

http://www.eniac.eu/web/calls/ENIACJU_Call9_2013-2.php


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

16.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 78/5


Il-pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Arikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2013/C 78/04

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt ta' oġġezzjoni għall-applikazzjoni ta' reġistrazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“MACCHERONCINI DI CAMPOFILONE”

Nru tal-KE: IT-PGI-0005-0886-27.07.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Maccheroncini di Campofilone”

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 2.7.

Għaġin

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:

Il-“Maccheroncini di Campofilone” huwa għaġin imnixxef magħmul mill-bajd u mid-dqiq artab jew mix-xgħir li l-karatteristiċi tiegħu huma deskritti fil-punt 3.3. ta' dan id-dokument. Meta jitqiegħed għall-konsum, l-għaġin għandu dawn il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi li ġejjin għal kull 100 g tal-prodott finali:

tul bejn 35 u 60 cm;

wisgħa bejn 0,80 u 1,20 mm;

ħxuna bejn 0,3 u 0,7 mm;

proteina (nitroġenu × 5,70) mill-anqas 12,50 % tas-sustanza niexfa.

3.3.   Il-materja prima:

Il-materja prima użata fil-manifattura tal-IĠP “Maccheroncini di Campofilone” ma jridx ikun fiha OĠM u jrid ikollha dawn il-karatteristiċi ta' kwalità li ġejjin għal kull 100 g tal-prodott:

il-bajd irid ikun tat-tiġieġ imrobbi fil-matmura li bħala għalf ikun ingħata biss ċereali bla OĠM, u ma jridx ikun fih pigmenti sintetiċi. Il-bajd irid ikun fih bejn 10 u 12 g proteina, aktar minn 9 g xaħam, u mhux aktar minn 33 ppm betakarotene, u jkun fih mill-anqas 20 % residwu niexef espress bħala sustanza niexfa;

is-smid tal-qamħ irid ikun fih proteina (nitroġenu × 5,70) mill-anqas 12,50 % tas-sustanza niexfa;

id-dqiq tal-qamħ tat-tip 00 irid ikun fih proteina (nitrġenu × 5,70) mill-anqas 10 % tas-sustanza niexfa;

3.4.   Għalf għall-annimali:

3.5.   Il-fażijiet speċifiċi tal-produzzjoni li lkoll iridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

Kull fażi tal-produzzjoni tal-“Maccheroncini di Campofilone”: l-għaġna, l-isfuljular, il-qtugħ u t-tnixxif iridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata fil-punt 4.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.:

Wara l-għaġna, l-isfuljular u l-qtugħ, il-“Maccheroncini di Campofilone” jitqiegħdu fuq folji tal-karti bojod għall-ippakkjar tal-ikel li jkunu wesgħin bejn 22 u 26 cm u twal bejn 32 u 35 cm. Dawn il-folji tal-karti li jkun fihom il-prodott frisk, ikunu jiżnu bejn 155 u 175 g kull waħda u jingħalqu b'mod tradizzjonali billi l-erba' ġnieb jintnew 'il fuq biex il-prodott ma jixteridx u wara jitqiegħdu fl-ordni fuq tilari apposta għat-tnixxif. Wara t-tnixxif, il-folji jitqiegħdu fil-pakketti.

L-ippakkjar isir biss fl-istabbiliment tal-produzzjoni u dan huwa meħtieġ biex ikun żgurat li dan il-prodott delikat u tant fraġli jitħares sew waqt it-trasport u l-ħżin.

Fil-fatt, kieku il-“Maccheroncini di Campofilone” kellhom jinġarru mingħajr il-protezzjoni xierqa li tagħti l-kaxxa, il-prodott jaf jitħabbat u jitfarrak. Minħabba f'hekk l-għaġin jitlef il-karatteristiċi fiżiċi tipiċi tiegħu li huma deskritti fil-punt 3.2 u li huma meħtieġa biex dan jingħaraf minnufih fuq il-post.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Kull kaxxa u tikketta, fuq il-pakkett irid ikun hemm stampat ċar u leġibbli, mhux biss l-informazzjoni meħtieġa bil-liġi iżda wkoll dawn l-indikazzjonijiet li ġejjin:

is-simbolu tal-“indikazzjoni ġeografika protetta” (IĠP) tal-UE kif jistabbilixxi r-Regolament (KE) Nru 1898/2006 ħdejn il-kelmiet “Maccheroncini di Campofilone indicazione geografica protetta” (“Maccheroncini di Campofilone indikazzjoni ġeografika protetta”). L-isem “Maccheroncini di Campofilone” irid jinkiteb b'karattri għoljin mill-anqas 5 mm.

Ma tista' tiżdied l-ebda deskrizzjoni li ma tkunx espressament prevista. Madanakollu tista' ssir kull referenza għal ditti privati sakemm dawn ma jkollhomx għan li jfaħħru jew ma jsirux b'tali mod li jingannaw lill-konsumatur.

L-Isem “Maccheroncini di Campofilone” ma jistax jiġi tradott.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Maccheroncini di Campofilone” hija t-territorju tal-komun ta' Campofilone fil-provinċja ta' Fermo fir-reġjun tal-Marche.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Campofilone huwa villaġġ medjevali żgħir li jinsab fuq għolja fil-parti ta' isfel ta' Valle dell’Aso, 210 m 'il fuq mill-baħar. Dan iċ-ċentru agrikolu jinsab fil-qalba ta' passaġġ mill-isbaħ, imżewwaq bil-bjuda tas-silġ fuq il-qċaċet tal-Muntanji Sibillini, bil-ħdura tal-għoljiet u bil-blu tal-Baħar Adrijatiku. Din iż-żona għandha klima partikolarment tajba. Billi qiegħda qrib il-baħar, iż-żiffa ġġib magħha klima pjaċevoli u tnaqqas il-ksieħ li jkun hemm fil-għoli.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

Il-“Maccheroncini di Campofilone” jingħarfu b'għażla mill-bqija tal-għaġin mill-ħxuna tal-għaġina u mill-qtugħ fin tal-bċejjeċ. B'dawn il-karatteristiċi, il-prodott jitgħalla fil-misħun f'minuta jew jissajjar mill-ewwel fiz-zalza mingħajr ma jitgħalla minn qabel. Karatteristika fundamentali oħra li toħroġ fid-dieher li l-“Maccheroncini di Campofilone” m'hawnx bħalhom hija l-persentaġġ ta' bajd użat fl-għaġna. Fil-fatt dan il-persentaġġ huwa relattivament ogħla meta mqabbel ma' dak użat f'tipi oħra ta' għaġin. F'kilogramma smid tal-qamħ jew dqiq tal-qamħ jintużaw bejn sebgħa u għaxar bajdiet, jiġifieri mill-anqas 33 % f'termini perċentwali.

Dan il-persentaġġ kif ukoll il-proċess ta' tnixxif bil-mod joħolqu prodott li jrendi ħafna. Fil-fatt, 250 g għaġin ġeneriku jagħtuk żewġ porzjonijiet ġmielhom, filwaqt li mill-istess kwantità tal-“Maccheroncini di Campofilone” joħorġu erba' porzjonijiet.

La l-għaġin “Maccheroncini di Campofilone” jista' jrendi ħafna, dan jista' jassorbi aktar zalza minn tipi oħrajn ta' għaġin.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

It-talba biex dan l-għaġin ikun rikonoxxut bħala IĠP hija ġustifikata mir-reputazzjoni u l-fama tal-prodott. Jekk wieħed jitħaddet dwar il-“Maccheroncini di Campofilone” ikun qed isemmi l-aktar espressjoni awtentika fil-kultura tat-territorju ta' Campofilone. Il-produzzjoni artiġjanali ta' dan l-għaġin hija l-prova ta’ tradizzjoni magħrufa tal-villaġġ medjavali ta' Campofilone li għaddiet minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-bajd, b'mod partikolari, ma jkunx jista' jinkiseb is-sena kollha u jiddependi fuq iċ-ċiklu bijoloġiku tat-tiġieġ. Għaldaqstant in-nisa tal-villaġġ, li bdew jaħdmu l-għaġin f'darhom, kellhom iħaddmu moħħhom u minn għaġin frisk imxew għall-proċess tat-tnixxif. L-għaġin niexef sar aktar komdu mill-għaġin frisk għax seta' jinħażen fil-kaxxetti u jittiekel is-sena kollha. Madanakollu l-mod mhux pulit kif kien jinqata' l-għaġin kellu żvantaġġ għax meta l-għaġin imiss mal-arja waqt it-tnixxif jibda jitgħawweġ u jinqasam f'bosta bċejjeċ u allura ma setax jitgawda f'biċċiet sħaħ. Għalhekk in-nisa tad-dar bdew jaqtgħu l-għaġina f'biċċiet ferm aktar fini tant li waqt it-tnixxif ma kinux jinqasmu u allura sakemm jittieklu kienu jkunu sħaħ. Għaldaqstant jista' jingħad li l-arti tal-“Maccheroncini di Campofilone” nibtet fil-kċejjen qabel infirxet fil-ħwienet tal-artiġjanat u sa dan iż-żmien, dawn l-istrixxi dehbiena kellhom importanza tassew partikolari, tant li minn platt ta' kuljum saru platt distint, li jirrappreżenta l-ħila tal-mara tad-dar waqt l-ikliet tal-festa. Għall-bidu, dan kien jittiekel biss fil-ġranet ewlenin tal-festa u kien riġal prestiġjuż li wieħed seta' jagħti lil ħbieb eminenti.

Mit-tradizzjoni u l-ħila li baqgħu l-istess għal aktar minn 600 sena, fetħu negozji mmexxija mill-familji u Campofilone beda jsir magħruf mad-dinja. Saħansitra mis-seklu ħmistax, dan il-platt kien meqjus speċjali u jissemma f'korrispondenza tal-Abbatija ta' Campofilone, kif ukoll f'xi dokumenti tal-Kunsill ta' Trento u f'kotba tar-riċetti ta' djar nobbli. Imbagħad, fil-bidu tas-seklu għoxrin f'Campofilone xi nisa tad-djar u lukandieri bdew iservu l-“Maccheroncini” bil-karatteristiċi tipiċi tagħhom, fi strixxi twal u fini. L-ewwel Guida Gastronomica d’Italia del Touring Club Italiano fl-edizzjoni tal-1931 issemmi l-“Maccheroncini di Campofilone” u għalhekk tiddokumenta li hemm rabta b'saħħitha bejn l-ispeċjalità gastronomika u l-post tal-oriġini tagħha. Din ir-rabta baqgħet tissaħħaħ wara t-Tieni Gwerra Dinjija u fl-1960 bil-ftuħ tal-ħanut artiġjanali ta’ “Nello Spinosi”. Fl-1965, meta l-intrapriża artiġjanali “Alimentari Valdaso” daħlet fis-suq, il-prodott tipiku ta' Campofilone żied il-produzzjoni u baqa' jinfirex.

Is-Sagra hija waħda mill-okkażjonijiet f'Campofilone li m'għandhiex tintilef u f'din il-fiera l-viżitaturi jkunu jistgħu jduqu l-ispeċjalità gastronomika ta' dan il-villaġġ. Din il-fiera bdiet issir fl-1964 u sal-lum baqgħet tittella' kull sena fuq tlett ijiem fl-ewwel għaxart ijiem t'Awwissu. Matulha l-villaġġ iżuruh eluf ta' turisti u jiġu servuti madwar 20 000 porzjon ta' għaġin. Dan jixhed is-suċċess tal-fiera f'Campofilone u għalhekk tar-reputazzjoni tal-“Maccheroncini di Campofilone”.

Dawk li jagħmlu l-għaġin f'Campofilone ħadu premjijiet u rikonoxximenti ta' prestiġju nazzjonali u internazzjonali u dawn jikkonfermaw li l-villaġġ ta' Campofilone rabat darba għal dejjem ismu u r-reputazzjoni proprja tiegħu ma' dan il-platt speċjali. B'hekk inħoloq distrett produttiv b'riżorsi umani tassew speċjalizzati fil-produzzjoni tal-għaġin.

Matul iż-żmien l-għaġin “Maccheroncini di Campofilone” laħaq is-swieq l-aktar importanti: is-suq Ewropew, Amerikan, Kanadiż, Għarbi u tal-Asja. Il-valur tal-għaġin “Maccheroncini di Campofilone” jinsab fil-fatt li t-teknika tal-produzzjoni tiegħu ma nbidlet qatt matul is-sekli, li l-għaġna tiegħu tant sempliċi u partikolari nżammet l-istess, u daqshekk ieħor il-proċess tat-tnixxif; apparti l-fatt li biex jinħoloq dan il-prodott hemm bżonn ċerti ħiliet speċifiċi u esperjenza. Dawn il-fatturi kollha jagħmluh prodott ta' kwalità għolja mil-lat ta' kemm irendi, it-togħma tiegħu, kemm huwa fin u kemm huwa sempliċi biex jissajjar.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

Din l-Amministrazzjoni nediet il-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni għall-proposta tar-rikonoxximent tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Maccheroncini di Campofilone” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 131 tat-8 ta' Ġunju 2011.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit li ġej:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

jew direttament fil-paġna ewlenija tal-Ministeru (http://www.politicheagricole.it) taħt “Qualità e sicurezza” (fin-naħa ta' fuq, fuq il-lemin tal-iskrin) u fl-aħħar nett fuq “Disciplinari di Produzione all'esame dell'UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.


16.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 78/9


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 dwar is-sistemi ta’ kwalità applikabbli għall-prodotti agrikoli u għall-oġġetti tal-ikel

2013/C 78/05

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 (1).

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“COPPA DE CORSE”/“COPPA DE CORSE — COPPA DI CORSICA”

Nru tal-KE: FR-PDO-0005-0992-26.04.2012

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Coppa de Corse”/“Coppa de Corse — Coppa di Corsica”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.2.

Prodotti abbażi ta’ laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li japplika għalih l-isem f’(1):

Id-denominazzjoni tal-oriġini “Coppa de Corse”/“Coppa de Corse — Coppa di Corsica” ġejja mill-flett tal-majjal tar-razza lokali Nustrale, immellaħ, imnixxef u mmaturat.

Il-fażijiet ta’ tmelliħ, ta’ tnixxif u ta’ maturazzjoni idumu mill-inqas 5 xhur u jinkludu perjodu ta’ maturazzjoni ta’ aktar minn xahrejn (l-aħħar fażi ta’ żvilupp tal-prodott, li ssir esklussivament f’kundizzjonijiet ambjentali naturali u essenzjali għall-kisba tal-konsistenza tal-prodott u għall-iżvilupp tat-togħmiet).

Il-karatteristiċi tal-prodott huma dawn li ġejjin: huwa twil bejn 25 u 35 ċentimetru, għandu forma ċilindrika, u l-piż xott tiegħu jkun bejn 0,8 u 2,2 kg.

Huwa jiġi ppreżentat f’borża magħmula mill-intestin tal-majjal jew mix-xaħam tal-majjal, marbuta bl-ispag jew b’xibka.

Id-dgħif tal-biċċiet tal-laħam, li jidher żejtni, għandu lewn omoġenju li jvarja minn aħmar sa aħmar skur u mraħħam. Ix-xaħam ta’ ġewwa l-muskoli jvarja minn abjad għal roża.

Il-proporzjon ta’ xaħam u dgħif huwa bejn 30 u 50 %.

Il-konsistenza tal-“Coppa de Corse”/“Coppa de Corse — Coppa di Corsica” hija soda u ratba.

Għandu togħma rikka (ta' frott, imħawra b’togħma ta’ ġellewż jew ta’ faqqiegħ jew ta’ njam), b’togħma mielħa karatteristika u l-possibbiltà ta’ togħma ħafifa ta’ bżar.

Jista’ jkollha riħa u togħma ħafifa ta’ affumikazzjoni jew ta’ butir.

Il-karatteristiċi fiżikokimiċi u bijokimiċi huma dawn li ġejjin (% tal-prodott imnixxef /muskolu ta’ referenza = serratus ventralis):

il-lipidi totali tax-xaħam huma ≥ 89 %;

il-perċentwal ta’ melħ huwa bejn 6,5 % u 10 %;

il-lipidi ġol-muskoli huma ≥ 6 %;

traċċi ta’ Nitrit/Nitrat;

ir-rata ta’ umdità fid-dgħif hija bejn 45 u 55 %;

l-aċidu olejku huwa ≥ 45 %.

Il-prodott jista’ jinbiegħ bħala biċċa sħiħa, imqatta' f’pakketti mingħajr arja jew f’porzjonijiet f’pakketti mingħajr arja, ta’ mhux inqas minn 200 gramma.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Karatteristiċi tal-karkassi

Il-karkassi tal-majjali użati għat-tħejjija tal-prodotti ġejjin minn ħnieżer tar-razza Nustrale li jinqatlu meta jkollhom bejn it-12 u s-36 xahar u li l-piż tal-karkassa tagħhom ikun bejn il-85 u l-140 kg. Il-ħxuna tax-xaħam hija bejn it-2,5 u s-6 cm.

Fatturi bħar-razza Nustrale, il-qatla f’età kbira, it-trobbija fil-beraħ u fażi finali ta' smin fejn l-annimali essenzjalment jingħataw il-qastan u/jew il-ġandar, jagħtu lill-materja prima kwalità partikolari: lewn tal-laħam li jvarja minn aħmar sa aħmar skur, ammont kbir ta’ lipidi u kwalità ta’ xaħam speċifika.

Karatteristiċi tal-laħam frisk

Flett maqtugħ mill-ħames kustilja.

2 biċċiet minn kull majjal.

Forma ċilindrika li ġejja xi ftit għat-tond.

Tneħħija ta’ parti mix-xaħam.

Piż frisk bejn 1,3 kg u 3,3 kg.

Kull proċess li jeħtieġ temperaturi taħt iż-żero (iffriżar, iffriżar qawwi) huwa pprojbit.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Wara l-ftim, l-annimali jitrabbew fil-beraħ. Din is-sistema tikkonsisti fiċ-ċaqliq tal-merħliet fit-territorji tal-imsaġar u l-mergħat li l-ġestjoni tagħhom tiddependi, fost oħrajn, fuq id-disponibbiltà tar-riżorsi għall-għalf u l-istaġuni.

Parti mill-ikel isibuh l-annimali stess f’dawn il-mergħat (ħxejjex, għeruq, tuberi…). Il-bidwi jipprovdi lill-merħla razzjonijiet ta’ ikel supplimentari fit-territorji tat-trobbija li ma jkunx fihom aktar minn 2 kilogrammi kuljum u għal kull ħanżir. Mill-inqas 90 % tal-ikel supplimentari huwa magħmul minn ċereali, żrieragħ li jipproduċu ż-żejt, legumi u l-prodotti derivati minnhom, f’piż tal-formula tal-ikel u b’medja ppeżata, b’minimu ta’ 60 % ta' ċereali u derivati tagħhom (qamħ, xgħir, qamħirrum). Il-qamħ huwa awtorizzat f’dan l-ikel supplimentari sa ħamsa u erbgħin jum qabel tibda l-fażi finali ta' smin.

Il-fażi finali ta' smin isseħħ bejn ix-xhur ta’ Ottubru u Marzu għal mill-inqas 45 jum. Matul dan il-perjodu, l-annimali jieklu esklussivament ġandar u qastan li huma jsibu waqt li jkunu qegħdin jirgħu fit-territorji tal-fażi finali (imsaġar tal-ballut u tal-qastan) għal mill-inqas l-ewwel 30 jum. Wara huwa permess li jiġu ssupplimentati bix-xgħir. Ir-razzjon ta’ xgħir hija ta’ inqas minn 4 kg/kuljum/majjal. L-ammont totali ta’ razzjonijiet ta’ kuljum ta’ xgħir mogħtija mill-bidwi m’għandux jaqbeż it-30 % tal-ikel bil-qastan u/jew ġandar tul il-perjodu tal-fażi finali ta' smin.

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika ddefinita:

L-istadji kollha tal-produzzjoni (twelid, trobbija, fażi finali, il-qatla tal-ħnieżer, l-ipproċessar u l-maturazzjoni tal-biċċiet tal-laħam) isiru bilfors fiż-żona ġeografika.

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

Il-qtugħ, it-tfettit u l-ippakkjar għandhom isiru bilfors fiż-żona ġeografika għar-raġunijiet li ġejjin:

biex jiġi evitat it-telf tal-kontroll fuq il-kwalità organolettika waqt il-ħżin u l-immaniġġjar tal-prodotti,

biex jiġi evitat it-telf tal-kontroll fuq il-monitoraġġ, l-intraċċar, u t-tikkettjar mill-ġdid tal-prodotti.

It-tfettit isir bl-idejn, bis-sikkina biss, sabiex jiġi evitat li l-laħam jisħon, u b’hekk jiġi evitat ir-riskju li ssir ħsara lill-kwalitajiet organolettiċi speċifiċi tal-prodott. L-għodda awtorizzata hija din li ġejja: sikkina tat-tqattigħ u fejn jista' jsir it-tqattigħ.

Il-borża (imsaren naturali jew kisja ta’ xaħam) titneħħa qabel ma jitqatta' l-prodott.

Wara li jinqatgħu f’porzjonijiet jew f’biċċiet, il-prodotti jiġu minnufih ippakkjati f’pakketti mingħajr arja.

Id-dgħif huwa kkaratterizzat minn lewn li jvarja minn aħmar sa aħmar skur. In-nuqqas ta’ konservanti (li jillimita l-ossidazzjoni u għalhekk il-kulur tal-prodott jibqa’ stabbli) ħlief għall-melħ, jagħmilha essenzjali li l-prodotti jiġu ppakkjati mingħajr arja fl-iqsar żmien possibbli, sabiex jiġi evitat li l-laħam jiswied.

Ix-xaħam, li huwa kkaratterizzat minn togħma, riħa, kulur u tleqqija partikolari għalih, jitranġat malajr jekk ikun espost għall-arja, fatt li jikkonferma l-ħtieġa ta’ ppakkjar mingħajr arja fl-iqsar żmien.

Bl-istess mod, biċċa li tkun inbdiet tiġi pproċessata għal kollox fi żmien 12-il siegħa.

L-għan ta' din il-proċedura huwa li jiġi evitat kwalunkwe tibdil fil-karatteristiċi tal-prodott, speċjalment fir-rigward tal-karatteristiċi organolettiċi.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Minbarra l-informazzjoni li l-prodotti pproċessati tal-laħam irid ikollhom fuqhom bil-liġi, it-tikketta tal-prodotti bid-denominazzjoni tal-oriġini “Coppa de Corse”/“Coppa de Corse — Coppa di Corsica” tinkludi wkoll l-indikazzjonijiet li ġejjin:

l-isem tad-denominazzjoni tal-oriġini “Coppa de Corse”/“Coppa de Corse — Coppa di Corsica”;

is-simbolu DPO tal-Unjoni Ewropea, wara r-reġistrazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea.

Il-kliem “finition châtaigne et/ou gland” jew “porcs finis à la châtaigne et/ou au gland” jew “100% chataîgnes/glands” jista' jidher biss fuq it-tikketta ta’ dawk il-prodotti li jkunu ġejjin minn annimali li jkunu matul il-fażi finali jkunu ngħataw esklussivament qastan u/jew ġandar.

4.   Deskrizzjoni qasira taż-żona ġeografika:

Il-fruntieri taż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini “Coppa de Corse”/“Coppa de Corse — Coppa di Corsica” huma bbażati fuq il-communes li l-ambjent fiżiku tagħhom jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ trobbija u ta’ pproċessar tradizzjonali tal-“Coppa de Corse”/“Coppa de Corse — Coppa di Corsica”, li għalhekk jikkorrispondu għat-territorju kollu minbarra l-kosta, li mhijiex adattata għall-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni tal-prodott.

Għaldaqstant, iż-żona ġeografika tinkludi partijiet minn dawn l-ibliet li ġejjin li jinsabu fid-dipartimenti ta’ Korsika tan-Nofsinhar u ta’ Korsika ta’ Fuq:

Dipartimenti ta’ Korsika tan-Nofsinhar: Afa, Ajaccio, Alata, Albitreccia, Ambiegna, Appietto, Arbellara, Arbori, Arro, Bastelicaccia, Belvédère-Campomoro, Bonifacio, Calcatoggio, Cannelle, Cargèse, Casaglione, Casalabriva, Cauro, Coggia, Cognocoli-Monticchi, Conca, Coti-Chiavari, Cuttoli-Corticchiato, Eccica-Suarella, Figari, Fozzano, Grosseto-Prugna, Lecci, Lopigna, Loreto-di-Tallano, Marignana, Monacia-d'Aullène, Olmeto, Olmiccia, Osani, Ota, Partinello, Piana, Pianottoli-Caldarello, Pietrosella, Pila-Canale, Porto-Vecchio, Propriano, Sainte-Lucie-de-Tallano, San-Gavino-di-Carbini, Sant'Andréa-d'Orcino, Sari-Solenzara, Sarrola-Carcopino, Sartène, Serra-di-Ferro, Serriera, Sollacaro, Sotta, Vico, Viggianello, Villanova, Zonza.

Dipartimenti ta’ Korsika ta’ Fuq: Aghione, Aléria, Algajola, Antisanti, Aregno, Barbaggio, Barrettali, Bastia, Belgodère, Biguglia, Borgo, Brando, Cagnano, Calenzana, Calvi, Canale-di-Verde, Canari, Castellare-di-Casinca, Centuri, Cervione, Chiatra, Corbara, Ersa, Farinole, Furiani, Galéria, Ghisonaccia, Giuncaggio, L'Ile-Rousse, Linguizzetta, Lucciana, Lugo-di-Nazza, Lumio, Luri, Meria, Monte, Montegrosso, Monticello, Morsiglia, Nonza, Novella, Occhiatana, Ogliastro, Oletta, Olmeta-di-Capocorso, Olmeta-di-Tuda, Olmo, Palasca, Pancheraccia, Patrimonio, Penta-di-Casinca, Pietracorbara, Pietroso, Piève, Pigna, Pino, Poggio-di-Nazza, Poggio-d'Oletta, Poggio-Mezzana, Prunelli-di-Casacconi, Prunelli-di-Fiumorbo, Pruno, Rapale, Rogliano, Rutali, Saint-Florent, San-Gavino-di-Tenda, San-Giuliano, San-Martino-di-Lota, San-Nicolao, Santa-Lucia-di-Moriani, Santa-Maria-di-Lota, Santa-Maria-Poggio, Santa-Reparata-di-Balagna, Santo-Pietro-di-Tenda, Serra-di-Fiumorbo, Sisco, Solaro, Sorbo-Ocagnano, Speloncato, Taglio-Isolaccio, Talasani, Tallone, Tomino, Tox, Urtaca, Vallecalle, Valle-di-Campoloro, Ventiseri, Venzolasca, Vescovato, Vignale, Ville-di-Paraso, Ville-di-Pietrabugno, Volpajola.

L-awtoritajiet tal-muniċipju ngħataw mappa taż-żona ġeografika li tiddefinixxi l-konfini taż-żona ġeografika għal dawk il-communes li partijiet minnhom biss jinsabu fiha. Għal dawn il-communes, it-tqassim f’żoni fuq il-mappa huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-awtorità kompetenti nazzjonali skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva INSPIRE.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Korsika għandha ambjent naturali partikolarment oriġinali, f'termini ta' klima, orografija u pedoloġija u mill-aspett tal-funzjonament tal-ekosistemi.

Ġeoloġikament, fin-naħa tal-punent wieħed isib Korsika Ersinjana ddominata mill-granit, granuliti u porfiri li jiffurmaw pajsaġġ raff ħafna, u fil-grigal, hemm Korsika Alpina fejn wieħed isib Bündner schist u art varja sedimentarja li mhijiex daqstant għolja u raffa. Il-ħamrija fiż-żoni klimatiċi differenti tippermetti t-tkabbir ta' kopertura veġetali sostanzjali u l-impjantar ta' siġar u pjanti utli għat-tkabbir tal-majjal speċifiku.

Korsika għandha klima Mediterranja, iżda minħabba li hija gżira, kif ukoll minħabba l-varjazzjoni fl-altitudnijiet u fl-espożizzjonijiet li huma r-riżultat ta’ topografija kumplessa, din il-klima hija estremament varjata u minn dan jirriżultaw kuntrasti xi drabi impressjonanti bejn il-widien jew saħansitra għoljiet qrib ħafna ta’ xulxin.

Il-flora attwali ta’ Korsika hija essenzjalment Paleo-Mediterranja. L-iżolament iffavorixxa l-evoluzzjoni tal-ispeċijiet u l-flora ta’ Korsika hija kkaratterizzata minn proporzjon għoli ta’ speċijiet endemiċi.

Fost il-livelli differenti ta’ veġetazzjoni, insibu l-livell Mediterranju subumdu, ikkaratterizzat mill-preżenza tal-ballut tas-sufra u tal-ballut. Il-formazzjoni l-aktar mifruxa f’dan il-livell hija l-“maquis”.

Il-livell Mediterranju umdu huwa kkaratterizzat mis-siġar tal-qastan. Huwa f’dan il-livell li jispiċċaw l-imsaġar taż-żebbuġ. Is-siġar tal-qastan jibdew jikbru eżatt 'il fuq minn dak il-livell.

Għalhekk, Korsika huwa ideali għall-foresti, il-kundizzjonijiet tal-art u tal-klima, b’mod ġenerali, jiffavorixxu ħafna l-foresti. Ir-riżorsi ta’ qastan u ta’ ballut huma partikolarment abbundanti fuq il-wiċċ tal-gżira kollha.

Il-prodotti tal-laħam huma antiki u għal żmien twil, kienu jiffurmaw, flimkien mal-prodotti tal-ħalib, wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ proteini mill-annimali fid-dieta tradizzjonali tal-gżira.

Is-sistemi attwali ta’ trobbija ntirtu minn tradizzjoni pastorali antika li kienet tikkonsisti fiċ-ċaqliq tal-merħliet ta’ ħnieżer lejn it-territorji silvopastorali tal-muntanji jew fil-mergħat tal-muntanji fis-sajf (rangelands) skont ir-riżorsi tal-għalf naturali f’dak l-ambjent.

Il-majjal tar-razza lokali Nustrale huwa tat-tip Iberiku. Dan huwa annimal li jeħtieġ ftit li xejn kura u huwa partikolarment adattat għal din it-tip ta’ trobbija. Huwa juża b'mod pjuttost tajjeb ir-riżorsi naturali li jsib. Huma l-ħnieżer nisa li jiggwidaw lill-merħliet fil-mergħat differenti, li għandhom ċerta diversità (boskijiet, mergħat tal-muntanji tas-sajf…). Iż-żoni tar-rigħi jistgħu jinbidlu wkoll skont l-istaġuni u r-riżorsi ta’ ikel preżenti fl-ambjent.

Mill-ftim sakemm jieqfu jikbru, il-bidwi jieħu lill-annimali fil-mergħat, ir-razzjon ta’ għalf essenzjali għall-iżvilupp tagħhom. Il-ħnieżer jieklu wkoll ir-riżorsi ta’ ikel li jsibu fit-territorju (ħxejjex, għeruq, tuberi …).

Matul il-fażi finali, l-annimali jirgħu mill-ballut u mis-siġar tal-qastan meta dawn ikunu qegħdin jipproduċu l-frott tagħhom. Huma jieklu l-aktar qastan u/jew ġandar tul il-perjodu kollu tal-ħarifa u tax-xitwa. Is-suppliment awtorizzat jista’ jkun biss xgħir.

Dan l-istadju jikkostitwixxi fażi fundamentali li għandha effett dirett fuq iż-żieda fil-piż u fuq il-kwalità tax-xaħam (rata għolja ta’ aċidu xaħmi monoinsaturat u rata baxxa ta’ aċidu xaħmi saturat).

Il-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żoni tat-trobbija ħolqu l-ħtieġa li jinstabu proċessi ta’ preservazzjoni xierqa u dan wassal biex il-produzzjoni tal-laħam xott tiddomina fuq l-oħrajn. Din tuża t-tqaddid u t-tnixxif bħala proċeduri ta' preservazzjoni.

Fin-nuqqas tar-refriġerazzjoni industrijali, li tfaċċat biss fl-aħħar tas-seklu XIX, l-abitanti tal-gżira ħadu vantaġġ minn dak li kien joffri l-ambjent. B’hekk il-qatla u l-ipproċessar kienu, u għadhom, isiru skont l-istaġuni. Minħabba dan, il-konsum tal-“Coppa de Corse”/“Coppa de Corse — Coppa di Corsica” jibda f’April u jieqaf sa mhux aktar tard minn Novembru. Il-fatt li l-prodott jittiekel l-aktar fis-sajf iwassal biex il-prodott jiġi kkunsmat ħafna u kuljum. Ġeneralment jittiekel bħala l-ewwel platt u jinstab fuq il-parti l-kbira tal-imwejjed lokali.

L-ipproċessar huwa bbażat fuq proċessi naturali. Storikament, l-uniċi ingredjenti li kienu disponibbli, u li sal-lum għadhom jintużaw fil-manifattura, huma l-melħ, il-bżar jew il-bżar l-aħmar (l-ebda konservant). It-tnixxif isir permezz tal-użu tas-sħana tan-nar tal-injam iebes mis-siġar deċidwi lokali.

It-tul u l-kundizzjonijiet ta’ maturazzjoni (f’kantini naturali u f’temperatura ambjentali) jippermettu li jinkisbu kwalitajiet organolettiċi speċifiċi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp tat-togħmiet u tal-konsistenza.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-“Coppa de Corse”/“Coppa de Corse — Coppa di Corsica” huma dawn li ġejjin:

Il-qatgħa għandha dgħif ta’ lewn omoġenju li jvarja minn aħmar sa aħmar skur, skont ir-rata ta’ pigmenti preżenti fil-muskoli.

Id-dgħif huwa xi ftit imraħħam, minħabba rata ta’ lipidi fil-muskoli ta’ 6 % jew aktar.

Il-qatgħa jkollha dehra żejtnija, minħabba rata għolja ta’ aċidu olejku.

Il-konsistenza tal-qatgħa hija ratba, minħabba lipolisi għolja.

Il-qatgħa għandha togħma rikka ħafna (b'togħma ta' frott, imħawra b’togħma ta’ ġellewż jew ta’ faqqiegħ jew ta’ njam), togħma mielħa karatteristika marbuta ma’ kontenut ta’ melħ bejn is-6,5 u l-10 % u bil-possibbiltà ta’ togħma ħafifa ta’ bżar.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP):

L-użu tal-majjali tar-razza Nustrale hija karatteristika essenzjali taż-żona. Fil-fatt, ir-reżistenza ta’ din ir-razza lokali, b’kapaċità li tiflaħ għall-bidliet kbar fil-klima u fl-ikel u li takkumula malajr riżervi ta’ xaħam meta l-ikel ikun abbondanti, kif ukoll il-kundizzjonijiet tat-trobbija tal-ħnieżer huma oriġinali u partikolarment adatti għat-territorju: żoni muntanjużi, trobbija fil-miftuħ, ċiklu twil ta’ produzzjoni (qatla f’età kbira għal piż tal-karkassa dejjem inqas minn 140 kg), dieta bbażata fuq ir-riżorsi naturali, b’mod partikolari waqt il-fażi finali.

B’hekk, fi kważi t-territorju kollu ta’ Korsika, l-irziezet estensivi tal-ħnieżer għandhom riżorsa abbundanti ta’ ikel disponibbli: il-qastan u l-ballut li jinsabu kemm fiż-żoni tal-foresti naturali ferm antropiċi, kif ukoll f’żoni li jistgħu jikkwalifikaw bħala agroforestali.

L-adattament tar-razza u tar-riżorsi naturali disponibbli flimkien jipprovdu prodott li l-kwalità tiegħu toħroġ fid-dieher permezz ta’ lewn aħmar sa aħmar skur, adipożità qawwija (proporzjon għoli ta’ xaħam/dgħif u mraħħam ħafna) u piż tal-prodott xott ta’ inqas minn 2,2 kg.

Barra minn hekk, il-fażi finali għandha effett dirett fuq:

iż-żieda fil-piż tal-annimal, speċjalment b’żieda fil-piż tal-lipidi ta’ taħt il-ġilda (aktar minn 2,5 cm);

il-kwalità tax-xaħam (rata għolja ta’ aċidu xaħmi monoinsaturat u rata baxxa ta’ aċidu xaħmi saturat).

Il-laħam tal-majjal għaldaqstant huwa adattat ħafna għat-tmelliħ. Il-prattiki ta’ tmelliħ, inkluż l-użu esklussiv ta’ melħ tal-baħar bħala l-uniku konservant, jispjegaw it-togħma mielħa li tintiegħem sew fil-prodott lest.

Dan il-laħam tal-majjal jippermetti wkoll maturazzjoni twila f’kundizzjonijiet ambjentali naturali. Dan jirriżulta f’karatteristiċi organolettiċi speċifiċi bħal konsistenza soda u ratba u togħma rikka ħafna.

L-ammont relattivament għoli ta’ melħ u ċ-ċiklu twil tal-prodotti (tnixxif u maturazzjoni) joħolqu proteolisi baxxa u lipoliżi għolja, u dan iwassal għall-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott, inkluża l-konsistenza pjuttost ratba tiegħu.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(l-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3))

http://agriculture.gouv.fr/IMG/pdf/CDCCoppaDeCorse_cle073621.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar is-sistemi ta’ kwalità applikabbli għall-prodotti agrikoli u għall-oġġetti tal-ikel.

(3)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 2.