ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.072.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 72

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
12 ta' Marzu 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 072/01

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.6708 – BMS/Astrazeneca/Amylin Business) ( 1 )

1

2013/C 072/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.6765 – Precision Castparts/Titanium Metals) ( 1 )

1

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2013/C 072/03

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/124/PESK, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011, kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 206/2013 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Iran

2

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 072/04

Rata tal-kambju tal-euro

3

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 072/05

Sejħa għall-proposti – EACEA/10/13 – Il-Programm Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni – Azzjoni 3.2 – Iż-żgħażagħ fid-dinja: Kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn għajr il-pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea

4

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 072/06

Avviż ta’ bidu ta’ reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti dijossidi tal-manganiż li joriġinaw mill-Afrika t’Isfel

8

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 072/07

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6782 – H.I.G. Europe Capital/Petrochem Carless Holdings) ( 1 )

15

2013/C 072/08

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6815 – ERDF/CDC/UEM/Efluid) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

16

2013/C 072/09

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6880 – Liberty Global/Virgin Media) ( 1 )

17

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

12.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.6708 – BMS/Astrazeneca/Amylin Business)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 72/01

Fl-1 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32013M6708. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


12.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/1


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.6765 – Precision Castparts/Titanium Metals)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 72/02

Fid-19 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32012M6765. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

12.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/2


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/124/PESK, u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011, kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 206/2013 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Iran

2013/C 72/03

KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni li jidhru fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK, kif emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/124/PESK (1), u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011, kif implimentat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 206/2013 (2) dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Iran.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li l-persuni li jidhru fl-Annessi msemmijin hawn fuq għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/235/PESK u fir-Regolament (UE) Nru 359/2011.

Tinġibed l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif indikat fis-siti elettroniċi fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 359/2011, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex il-fondi ffriżati jintużaw għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (ara l-Artikolu 4 tar-Regolament).

Il-persuni kkonċernati jistgħu jibagħtu talba lill-Kunsill, flimkien ma' dokumentazzjoni ta' sostenn, li d-deċiżjoni biex jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid, fl-indirizz li ġej:

Council of the European Union

DG C 1C — Horizontal Issues Unit

General Secretariat

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni kkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275(2) u l-Artikolu 263(4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 68, 12.3.2013, p. 57.

(2)  ĠU L 68, 12.3.2013, p. 9.


Il-Kummissjoni Ewropea

12.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/3


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Il-11 ta’ Marzu 2013

2013/C 72/04

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2994

JPY

Yen Ġappuniż

124,91

DKK

Krona Daniża

7,4569

GBP

Lira Sterlina

0,87335

SEK

Krona Żvediża

8,3260

CHF

Frank Żvizzeru

1,2360

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,4385

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,542

HUF

Forint Ungeriż

303,40

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7008

PLN

Zloty Pollakk

4,1472

RON

Leu Rumen

4,3718

TRY

Lira Turka

2,3438

AUD

Dollaru Awstraljan

1,2702

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3357

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,0797

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5813

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6236

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 426,40

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

11,8990

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,0803

HRK

Kuna Kroata

7,5875

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 597,20

MYR

Ringgit Malażjan

4,0414

PHP

Peso Filippin

52,938

RUB

Rouble Russu

40,0015

THB

Baht Tajlandiż

38,631

BRL

Real Brażiljan

2,5283

MXN

Peso Messikan

16,3724

INR

Rupi Indjan

70,7040


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

12.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/4


SEJĦA GĦALL-PROPOSTI – EACEA/10/13

Il-Programm Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni

Azzjoni 3.2 – Iż-żgħażagħ fid-dinja: Kooperazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn għajr il-pajjiżi ġirien tal-Unjoni Ewropea

2013/C 72/05

1.   GĦANIJIET

L-għan ta’ din is-sejħa għall-proposti huwa li tappoġġja proġetti li jippromwovu l-kooperazzjoni fis-settur taż-żgħażagħ bejn il-Pajjiżi li jieħdu sehem fil-Programm Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni u Pajjiżi Msieħba għajr dawk li huma ġirien tal-Unjoni Ewropea (pajjiżi li ffirmaw ftehim rilevanti mal-Unjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ). Il-proġetti għandhom jassiguraw kumplimentarjetà mal-azzjonijiet imwettqa fi ħdan il-qafas tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp. Din is-sejħa tipprovdi għotjiet finanzjarji għall-proġetti.

Din hija indirizzata għal organizzazzjonijiet li jaħdmu fis-settur taż-żgħażagħ li jkunu interessati fit-tmexxija ta’ proġetti li jippromwovu l-kooperazzjoni f’dan il-qasam li jinvolvu ħaddiema żgħażagħ u mexxejja żgħażagħ, żgħażagħ infushom u atturi oħrajn involuti fi strutturi u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

L-għanijiet tagħha huma dawn:

Li ttejjeb il-mobbiltà u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u l-ħaddiema żgħażagħ;

Li tippromwovi l-għoti ta’ setgħa liż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni attiva;

Li trawwem il-bini ta’ kapaċità għall-istrutturi u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex jagħtu kontribut favur l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili;

Li tippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-esperjenza u l-prassi tajba fil-qasam taż-żgħażagħ u l-edukazzjoni mhux formali;

Li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ linji ta’ politika dwar iż-żgħażagħ, il-ħidma taż-żgħażagħ u s-settur tal-volontarjat; u

Li tiżviluppa sħubiji u netwerks sostenibbli bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

Prijoritajiet

Tingħata preferenza lil dawk il-proġetti li jkunu jirriflettu bl-aħjar mod dawn il-prijoritajiet:

(i)

Prijoritajiet permanenti tal-Programm Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ;

Id-diversità kulturali;

Iċ-ċittadinanza Ewropea;

L-inklużjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.

(ii)

Prijoritajiet annwali tal-Programm Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni

Titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet marbuta maċ-ċittadinanza tal-UE;

Tkabbir ekonomiku inklussiv;

Il-kreattività, l-intraprenditorija u l-impjegabbiltà;

Imġibiet f’saħħithom.

2.   KORPI ELIĠIBBLI

Il-proposti għandhom jiġu sottomessi minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt. Dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu:

Organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs);

Korpi pubbliċi fil-livell reġjonali jew lokali; jew

Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

L-istess japplika għall-organizzazzjonijiet imsieħba.

L-applikanti għandhom – sad-data tal-iskadenza speċifikata għas-sottomissjoni tal-proposti tagħhom – ikunu ilhom irreġistrati legalment tul mill-inqas sentejn f’wieħed mill-Pajjiżi li jieħdu sehem fil-Programm.

Il-pajjiżi li jieħdu sehem fil-programm huma dawn:

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea: L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit (1);

Dawk il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA): Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera;

Il-pajjiżi kandidati li għalihom ġiet stabbilita strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, b’konformità mal-prinċipji ġenerali u mat-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-ftehimiet ta’ qafas konklużi ma’ dawn il-pajjiżi sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi tal-UE: il-Kroazja, it-Turkija.

Il-korpi stabbiliti fil-pajjiżi li ġejjin jistgħu jipparteċipaw bħala sħab iżda ma jistgħux jissottomettu proposti skont din is-sejħa. Il-pajjiżi li huma partijiet għall-ftehimiet mal-Unjoni Ewropea rigward il-qasam taż-żgħażagħ jitqiesu bħala Pajjiżi Msieħba. Dawn huma li ġejjin:

L-Amerika Latina: l-Arġentina, il-Bolivja, il-Brażil, iċ-Ċile, il-Kolumbja, il-Kosta Rika, l-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, il-Messiku, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Perù, l-Urugwaj, il-Venezwela;

L-Afrika: l-Angola, il-Benin, il-Botswana, il-Burkina Faso, il-Burundi, il-Kamerun, Kap Verde, ir-Repubblika Afrikana Ċentrali, iċ-Ċad, il-Komoros, il-Kongo (Brazzaville), ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ġibuti, il-Ginea Ekwatorjali, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Gabon, il-Gambja, il-Gana, il-Ginea-Bissaw, il-Kenja, il-Kosta tal-Avorju, il-Lesoto, il-Liberja, il-Madagaskar, il-Malawi, il-Mali, il-Mawritanja, il-Mawrizju, il-Możambik, in-Namibja, in-Niġer, in-Niġerja, ir-Repubblika tal-Ginea, ir-Rwanda, Sao Tome u Prinċipe, is-Senegal, is-Seychelles, Sierra Leone, l-Afrika ta’ Isfel, is-Sudan, is-Sważilandja, it-Tanzanija, it-Togo, l-Uganda, iz-Zambja, Żimbabwe;

Il-Karibew: Antigwa u Barbuda, il-Baħamas, il-Barbados, il-Beliże, id-Dominika, ir-Repubblika Dominikana, il-Grenada, il-Gujana, il-Ħaiti, il-Ġamajka, Saint Kitts u Nevis, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, is-Surinam, Trinidad u Tobago;

Il-Paċifiku: il-Gżejjer Cook, it-Timor tal-Lvant, il-Fiġi, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikronesja, Nauru, Niue, il-Palau, il-Papwa Ginea Ġdida, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Tonga, Tuvalu, il-Vanwatu;

L-Asja: l-Afganistan, il-Bangladexx, il-Kambodja, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (inklużi Ħong Kong u Makaw), l-Indja, l-Indoneżja, il-Kazakastan, il-Kirgiżtan, il-Laos, il-Malasja, in-Nepal, il-Filippini, Singapor, it-Tajlandja, l-Uzbekistan, il-Vjetnam, il-Jemen;

Pajjiżi industrijalizzati (2): l-Awstralja, il-Brunej, il-Kanada, il-Ġappun, in-New Zealand, ir-Repubblika tal-Korea, l-Istati Uniti tal-Amerika.

Il-proġetti għandhom jinvolvu msieħba minn mill-inqas erba’ pajjiżi differenti (inkluża l-organizzazzjoni applikanta), inkluż mill-inqas żewġ Pajjiżi li jieħdu sehem fil-Programm, li mill-inqas wieħed minnhom irid ikun Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, u żewġ Pajjiżi Msieħba.

3.   ATTIVITAJIET ELIĠIBBLI

Il-proġett għandu jinkludi attivitajiet li ma jkollhomx l-għan li jagħmlu profitt u li jkunu relatati mal-qasam taż-żgħażagħ u mal-edukazzjoni mhux formali.

Lista indikattiva tal-attivitajiet li għandhom jiġu implimentati mill-proposti

L-attivitajiet appoġġjati taħt din is-sejħa jistgħu jinkludu, mingħajr ma huma limitati għalihom, dawn li ġejjin:

Avvenimenti taż-żgħażagħ fuq skala kbira, seminars, konferenzi;

Attivitajiet li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ sħubiji u netwerks;

Attivitajiet li jinkoraġġixxu d-djalogu politiku fil-qasam taż-żgħażagħ;

Informazzjoni u kampanji ta’ kuxjenza miż-żgħażagħ u favur iż-żgħażagħ;

Taħriġ u bini tal-kapaċità tal-ħaddiema żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-multiplikaturi;

Apprentistat u l-mobbiltà fit-tul għall-ħaddiema żgħażagħ.

Il-proġetti għandhom jibdew bejn l-1 ta’ Ottubru 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2013. It-tul minimu huwa 6 xhur u t-tul massimu huwa 12-il xahar.

4.   KRITERJI GĦALL-GĦOTI

L-applikazzjonijiet eliġibbli sejrin jiġu evalwati fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin:

Ir-rilevanza tal-proġett fir-rigward tal-għanijiet u l-prijoritajiet tas-sejħa (30 %)

Il-kwalità tal-proġett u tal-metodi ta’ ħidma li jinkludi (50 %)

Il-profil u n-numru ta’ parteċipanti u ta’ promoturi involuti fil-proġett (20 %)

Għalkemm ser titfittex rappreżentazzjoni ġeografika bilanċjata fil-proġetti magħżula, il-fattur determinanti prinċipali fir-rigward tal-għadd ta’ proġetti ffinanzjati għal kull pajjiż ser ikun il-kwalità.

5.   BAĠIT

Il-baġit totali allokat għall-kofinanzjament tal-proġetti taħt din is-sejħa għall-proposti huwa stmat EUR 3 000 000.

L-assistenza finanzjarja mill-Aġenzija ma għandhiex tingħata għal aktar minn 80 % tal-ispejjeż eliġibbli totali ta’ proġett. L-għotja massima ma għandhiex taqbeż l-ammont ta’ EUR 100 000.

L-Aġenzija żżomm id-dritt li ma tqassamx il-fondi kollha disponibbli.

6.   PREŻENTAZZJONI TA’ APPLIKAZZJONIJIET

Jekk jogħġbok żomm f’moħħok li ma tistax tiġi sottomessa aktar minn proposta waħda għal proġett mill-istess applikant skont din is-Sejħa għall-Proposti.

L-applikazzjonijiet għall-għoti jridu jsiru b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-UE, bl-użu tal-formola elettronika ddiżinjata apposta.

Il-formoli jitniżżlu mill-Internet mill-indirizz li ġej:

http://eacea.ec.europa.eu/youth/funding/2013/call_action_3_2_en.php

Il-formola tal-applikazzjoni elettronika mimlija trid tiġi sottomessa sa 12.00 (nofsinhar ħin ta’ Brussell) fl-14 ta’ Mejju 2013.

Verżjoni stampata tal-applikazzjoni trid tintbagħat ukoll sal-14 ta’ Mejju 2013 f’dan l-indirizz:

Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura

Youth in Action Programme — EACEA/10/13

BOUR 4/029

Avenue du Bourget/Bourgetlaan 1

1140 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

bil-posta, bid-data skont it-timbru tal-posta,

permezz ta’ kumpanija b’servizz ta’ kurrier espress, bid-data tal-irċevuta tal-kumpanija b’servizz ta’ kurrier espress tittieħed bħala prova li l-posta ntbagħtet (jekk jogħġbok inkludi kopja tal-irċevuta mal-formola tal-applikazzjoni).

L-applikazzjonijiet li jintbagħtu b’fax jew b’e-mail ma jiġux aċċettati.

F’każ ta’ inkonsistenza jew diskrepanza bejn il-formola elettronika jew il-verżjoni stampata, il-verżjoni elettronika tieħu preċedenza.

7.   INFORMAZZJONI ADDIZZJONALI

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet inklużi fil-Linji Gwida tal-Applikazzjoni – Sejħa għall-proposti EACEA 10/13, jiġu sottomessi fuq il-formola tal-applikazzjoni (formola elettronika) pprovduta għal dan il-għan u jinkludu l-annessi rilevanti.

Id-dokumenti msemmija jinstabu fuq l-Internet fl-indirizz li ġej:

http://eacea.ec.europa.eu/youth/funding/2013/call_action_3_2_en.php


(1)  Persuni minn pajjiżi u territorji barranin u, jekk applikabbli, istituzzjonijiet pubbliċi jew privati bbażati hemmhekk, huma eliġibbli taħt il-Programm “Iż-Żgħażagħ fl-Azzjoni”, jiddependi mir-regoli tal-programm u dawk li japplikaw fl-Istat Membru li miegħu jkunu konnessi. Lista ta’ dawn il-pajjiżi u territorji barranin hija mogħtija fl-Anness 1A tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Komunità Ewropea (“Overseas Association Decision”) (ĠU L 314, 30.11.2001, p. 1): http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:2001D0822:20011202:MT:PDF

(2)  Jekk il-proġetti jinvolvu pajjiżi industrijalizzati, l-għotja finanzjarja mill-UE ma tistax tkopri l-ispejjeż imġarrba mis-sħab jew mill-parteċipanti minn dawk il-pajjiżi.


PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

12.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/8


Avviż ta’ bidu ta’ reviżjoni ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti dijossidi tal-manganiż li joriġinaw mill-Afrika t’Isfel

2013/C 72/06

Wara l-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti dijossidi tal-manganiż li joriġinaw mill-Afrika t’Isfel, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal reviżjoni

It-talba tressqet fil-11 ta’ Diċembru 2012 minn Cegasa Internacional SA u Tosoh Hellas A.I.C (“l-applikanti”), l-uniċi produtturi fl-Unjoni ta’ ċerti dijossidi tal-manganiż.

2.   Il-prodott rivedut

Il-prodott soġġett għal din ir-reviżjoni huwa d-dijossidu tal-manganiż elettrolitiku (jiġifieri dijossidi tal-manganiż prodotti permezz ta’ proċess elettrolitiku) mhux trattati bis-sħana wara l-proċess elettrolitiku (“il-prodott taħt reviżjoni”), li bħalissa jaqa’ fi ħdan il-kodiċi tan-NM ex 2820 10 00.

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri li bħalissa hemm fis-seħħ huma dazju definittiv ta' anti-dumping impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 221/2008 (3).

4.   Raġunijiet għar-reviżjoni

4.1.    Ir-raġunijiet għar-reviżjoni ta’ skadenza

It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dumping u rikorrenza ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.1.   L-allegazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping

Fin-nuqqas ta’ dejta affidabbli dwar il-prezzijiet domestiċi għall-Afrika t’Isfel (“il-pajjiż ikkonċernat”) l-allegazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali kostrutt (l-ispejjeż tal-manifattura, l-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG & A) u l-qligħ) fl-Afrika t’Isfel mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ex fabbrika) tal-prodott taħt reviżjoni meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi oħra, minħabba l-assenza attwali ta’ volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet mill-Afrika t’Isfel lejn l-Unjoni.

Abbażi tat-tqabbil ta' hawn fuq, li juri li d-dumping qed iseħħ, l-applikanti jallegaw li x'aktarx hemm rikorrenza ta' dumping min-naħa tal-pajjiż ikkonċernat.

4.1.2.   Allegazzjoni ta’ probabilità ta' rikorrenza ta’ ħsara

L-applikanti jallegaw il-probabbiltà ta' rikorrenza tad-dannu. Huma pprovdew evidenza prima facia li turi li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott taħt reviżjoni mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni probabbilment jiżdied minħabba l-eżistenza ta' kapaċità mhux użata ta’ faċilitajiet ta’ manifattura tal-produtturi esportaturi fl-Afrika t’Isfel.

L-applikanti jallegaw li t-tneħħija tal-ħsara seħħet l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li kull rikorrenza ta' importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat aktarx twassal għal rikorrenza ta' ħsara lill-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   Il-Proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza biex ikun iġġustifikat bidu ta' investigazzjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

Ir-reviżjoni tal-iskadenza se tiddetermina jekk l-iskadenza tal-miżuri tkunx probabbli li twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping tal-prodott investigat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat u kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

5.1.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ rikorrenza jew kontinwazzjoni ta’ dumping

Il-produtturi esportaturi (4) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   Investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

Il-produtturi esportaturi kollha u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi esportaturi fl-Afrika t’Isfel huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, preferibbilment bil-posta elettronika, iżda sa mhux iktar tard minn 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jidentifikaw ruħhom u jitolbu l-kwestjonarju.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħrufa fl-Afrika t’Isfel, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż.

Il-produtturi esportaturi għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jkun jitlob tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur(i) esportatur(i), l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott investigat, l-ispiża tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott investigat lill-Unjoni.

5.1.2.   Investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (5)  (6)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott investigat, importat mill-Afrika t’Isfel lejn l-Unjoni, huma mistiedna jieħdu sehem f'din l-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta' importaturi mhux relatati involuti f'din ir-reviżjoni tal-iskadenza u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjuni”). It-teħid tal-kampjun se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ it-teħid ta’ kampjuni, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal din ir-reviżjoni, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom mitluba fl-Anness ta’ dan l-avviż:

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu skont l-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ tal-prodott investigat fl-Unjoni u li, b’mod prattiku, jista' jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati kollha magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li tqis li teħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif, dwar inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott investigat, u dwar il-bejgħ tal-prodott investigat.

5.2.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabilità ta’ rikorrenza jew kontinwazzjoni ta’ ħsara

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabilità jew le ta’ rikorrenza ta’ ħsara lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi fl-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi fl-Unjoni

Biex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi fl-Unjoni, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi fl-Unjoni magħrufa u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi fl-Unjoni, jiġifieri lil:

Cegasa Internacional SA

Tosoh Hellas A.I.C.

Il-produtturi fl-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi fl-Unjoni li ssemmew hawn fuq għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom u tas-sitwazzjoni finanzjarja u ekonomika tal-kumpanija(i).

Kull produttur fl-Unjoni u assoċjazzjoni ta' produtturi fl-Unjoni li mhumiex elenkati hawn fuq huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih preferibbilment permezz tal-posta elettronika, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, biex jippreżentaw irwieħhom u jitolbu kwestjonarju.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ dumping u ħsara, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri tal-antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jibagħtu d-dettalji tagħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Biex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta' żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott investigat.

Il-partijiet li jibagħtu d-dettalji tagħhom fl-iskadenza ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. It-tagħrif irid jingħata f’għamla libera jew inkella billi jimtela kwestjonarju li ħejjiet il-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif mogħti skont l-Artikolu 21 se jitqies biss jekk ikun sostnut b'evidenza fattwali meta jitressaq.

5.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna li juru fehmiethom, iressqu l-informazzjoni u jipprovdu l-evidenza li ssostniha. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u l-provi ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta' smigħ mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu smigħ mis-servizzi tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Struzzjonijiet biex isiru sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet miktuba kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristretti” (7).

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali ta' dan skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Jeħtieġ li l-partijiet interessati jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kull prokura, kull ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju għandhom jitressqu f'għamla ta' dokument, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tressaq is-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih, f'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 08/020

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22993704

Posta elettronika: TRADE-AD-EMD@ec.europa.eu

6.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tagħtix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti ta' żmien stipulati, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk xi parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli li kieku kkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi investigattivi tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta’ smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet jiġu eżerċitati b'mod sħiħ.

It-talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha ssir talba għal smigħ fil-perjodi ta’ żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà li jerġgħu jseħħu d-dumping u l-ħsara.

Għal aktar tagħrif u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Trade: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Il-possibbiltà li tintalab reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Peress li din ir-reviżjoni ta’ skadenza nbdiet skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tagħha mhux se jwasslu biex il-livell tal-miżuri eżistenti jiġi emendat iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu b'konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti interessata tqis li tkun iġġustifikata reviżjoni tal-livell tal-miżuri, sabiex tippermetti l-possibbiltà li l-livell tal-miżuri jiġi emendat (jiġifieri miżjud jew imnaqqas), dik il-parti tista' titlob reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu din ir-reviżjoni, li ssir indipendentement mir-reviżjoni tal-iskadenza msemmija f'din in-notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

10.   Proċessar ta' dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (8).


(1)  ĠU C 180, 21.6.2012, p. 15.

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  ĠU L 69, 13.3.2008, p. 1.

(4)  Produttur esportatur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta' parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott investigat.

(5)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati ma' produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu li jiġu minn xulxin biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu sħab f'negozju rikonoxxuti legalment; (c) ikunu impjegat u impjegatur; (d) ikun hemm persuna li tkun proprjetarja diretta jew indiretta, jew tikkontrolla jew għandha f'idejha 5 % jew iżjed tal-istokks jew l-ishma tal-votazzjoni jew l-ishma tagħhom it-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn huma kkontrollati direttament jew indirettament minn persuna terza; (g) flimkien huma jikkontrollaw persuna terza, jew direttament jew b'mod indirett; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuna jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk għandhom xi waħda minn dawn ir-relazzjonijiet li ġejjin: (i) miżżewġin, (ii) ġenituri u wlied, (iii) aħwa (sew jekk ulied l-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri u wlied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F'dan il-kuntest, “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(6)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista' tintuża wkoll f'konnessjoni ma' aspetti ta' din l-investigazzjoni apparti mid-determinazzjoni tad-dumping.

(7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim Anti-dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS

Image

Image


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

12.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/15


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6782 – H.I.G. Europe Capital/Petrochem Carless Holdings)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 72/07

1.

Fid-19 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha H.I.G Europe Capital Partners LP (“H.I.G.”, ir-Renju Unit) permezz tal-kumpanija tal-portafoll tagħha Haltermann Holding GmbH (“Haltermann”, il-Ġermanja) takkwista fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll uniku ta’ Petrochem Carless Holdings Ltd (“PCHL”, ir-Renju Unit), permezz ta’ xiri ta' ishma (2).

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

H.I.G.: impriża tal-investimenti fl-ekwità privata,

Haltermann: il-produzzjoni u l-forniment ta’ kimiċi bbażati fuq l-idrokarbur,

PCHL: kumpanija possedenti ta’ Petrochem Carless Limited, attiva fil-produzzjoni u l-provvista ta’ fjuwils raffinati, petrokimiċi, fluwidi awtomotivi, u kimiċi ta' speċjalità.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6782 – H.I.G. Europe Capital/Petrochem Carless Holdings, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  It-tranżażżjoni kienet ġiet inizjalment notifikata fit-28 ta’ Novembru 2012. Fid-19 ta’ Diċembru 2012, in- notifika kienet ġiet irtirata (ĠU C 400, 28.12 2012, p. 2).


12.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/16


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6815 – ERDF/CDC/UEM/Efluid)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 72/08

1.

Fil-5 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz taghħa l-impriżi ERDF, sussidjarja tal-grupp EDF (Franza), il-Caisse des Dépôts et Consignations (“CDC”, Franza) u UEM (Franza) jakkwistaw, fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, kontroll konġunt tal-intrapriża efluid (Franza) permezz ta’ xiri ta’ ishma f’kumpanija ġdida li tikkostitwixxi impriża konġunta.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

ERDF: il-ġestjoni tan-netwerk pubbliku tad-distribuzzjoni tal-elettriku fi Franza,

CDC: proġetti ta' interess ġenerali li jikkonsistu fil-ġestjoni ta' fondi privati li għalihom l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jixtiequ jipprovdu protezzjoni partikolari, u investiment jew ftehim dwar self f'attivitajiet f'isem l-interess ġenerali,

UEM: kumpanija franċiża lokali semipubblika attiva fis-setturi tal-elettriku, tat-tisħin urban, tat-televiżjoni bil-fil u l-illuminazzjoni pubblika,

Efluid: l-ideazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' programmi tal-kompjuter maħsuba għall-intrapriżi attivi fis-settur tal-fluwidi (l-elettriku, il-gass, l-ilma, it-tisħin urban).

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6815 – ERDF/CDC/UEM/Efluid, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).


12.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/17


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6880 – Liberty Global/Virgin Media)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 72/09

1.

Fis-6 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Liberty Global Inc. (“LGI”, l-Istati Uniti tal-Amerika) permezz ta’ sussidjarja li hija kompletament proprjetà tagħha Liberty Global Corporation Limited, takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll sħiħ tal-impriża Virgin Media Inc. (“Virgin Media”, l-Istati Uniti tal-Amerika) permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal LGI: operatur internazzjonali ta’ broadband bil-kejbil li joffri servizzi ta’ video, vuċi u internet lill-klijenti tiegħu,

għal Virgin Media: operatur tal-midja diġitali u tal-komunikazzjonijiet broadband li jipprovdi broadband, Pay TV, telefonija mobbli u servizzi ta’ telefonija minn linja fissa lil klijenti kummerċjali u residenzjali fir-Renju Unit.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6880 – Liberty Global/Virgin Media, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).