ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.066.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 66

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
7 ta' Marzu 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 066/01

Rata tal-kambju tal-euro

1

2013/C 066/02

Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tat-8 ta’ Awwissu 2012 fir-rigward ta' abbozz ta' deċiżjoni relatata mal-Każ COMP/M.6314 – Telefónica UK/Vodafone UK/Everything Everywhere/JV – Relatur: Il-Portugall

2

2013/C 066/03

Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Seduta – COMP/M.6314 – Telefónica UK/Vodafone UK/Everything Everywhere/JV

4

2013/C 066/04

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Settembru 2012 li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u l-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/M.6314 – Telefónica UK/Vodafone UK/Everything Everywhere/JV) (notifikata bid-dokument numru C(2012) 6063 final)  ( 1 )

5

2013/C 066/05

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Marzu 2013 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 li twaqqaf il-grupp ta' esperti għall-iżvilupp tal-missjoni tas-sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, il-Grupp Konsultattiv dwar l-Iżvilupp tal-Missjoni ( 1 )

24

 

INFORMAZZJONI DWAR IŻ-ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

 

Awtorità ta' Sorveljanza EFTA

2013/C 066/06

Informazzjoni kkomunikata mill-Istati tal-EFTA dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija taħt l-Att imsemmi fil-punt 1 j tal-Anness XV tal-Ftehim ŻEE (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa))

25

2013/C 066/07

L-Avviż tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA dwar ir-rati ta’ interess ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat u r-rati ta’ referenza/skont attwali għal tliet Stati tal-EFTA li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2013(Ippubblikat f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 (ĠU L 139, 25.5.2006, p. 37 u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 26/2006, 25.5.2006, p. 1))

27

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI TAL-QORTI

 

Qorti tal-EFTA

2013/C 066/08

Azzjoni mressqa fl-4 ta' Diċembru 2012 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Prinċipat ta' Liechtenstein (Il-Kawża E-14/12)

28

2013/C 066/09

Azzjoni mressqa fit-30 ta' Novembru 2012 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Islanda (Il-Kawża E-12/12)

29

2013/C 066/10

Azzjoni mressqa fit-30 ta' Novembru 2012 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Islanda (Il-Kawża E-13/12)

30

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2013/C 066/11

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6869 – GM/Ispol) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

31

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-6 ta’ Marzu 2013

2013/C 66/01

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3035

JPY

Yen Ġappuniż

121,85

DKK

Krona Daniża

7,4556

GBP

Lira Sterlina

0,86440

SEK

Krona Żvediża

8,3159

CHF

Frank Żvizzeru

1,2301

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,4250

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,565

HUF

Forint Ungeriż

298,55

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7008

PLN

Zloty Pollakk

4,1495

RON

Leu Rumen

4,3578

TRY

Lira Turka

2,3365

AUD

Dollaru Awstraljan

1,2670

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3408

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,1099

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5630

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6244

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 412,69

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

11,7980

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,1066

HRK

Kuna Kroata

7,5928

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 638,96

MYR

Ringgit Malażjan

4,0497

PHP

Peso Filippin

53,067

RUB

Rouble Russu

39,9850

THB

Baht Tajlandiż

38,792

BRL

Real Brażiljan

2,5631

MXN

Peso Messikan

16,5647

INR

Rupi Indjan

71,3700


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/2


Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-fużjonijiet mogħtija fil-laqgħa tiegħu tat-8 ta’ Awwissu 2012 fir-rigward ta' abbozz ta' deċiżjoni relatata mal-Każ COMP/M.6314 – Telefónica UK/Vodafone UK/Everything Everywhere/JV

Relatur: Il-Portugall

2013/C 66/02

Konċentrazzjoni

1.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-operazzjoni nnotifikata tikkostitwixxi konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

2.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li t-tranżazzjoni notifikata għandha dimensjoni Komunitarja skont it-tifsira tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Definizzjoni tas-suq

3.

Il-Kumitat Kosultattiv jaqbel mad-definizzjonijiet tal-Kummissjoni tas-suq tal-prodott u s-suq ġeografiku rilevanti fl-abbozz tad-Deċiżjoni.

4.

B'mod partikolari, il-Kumitat Konsultattiv jaqbel li l-operazzjoni teħtieġ tiġi vvalutata fis-swieq li ġejjin:

(a)

Is-suq tal-forniment fil-livell ta' operaturi ta’ pjattaformi tal-kartieri mobbli, mill-inqas mar-Renju Unit kollu.

(b)

Is-suq għal ħżin sikur, mill-inqas fir-Renju Unit kollu.

(c)

Is-suq għad-distribuzzjoni fil-livell ta' konsumaturi tas-servizzi tal-kartieri mobbli lill-konsumaturi, mill-inqas fir-Renju Unit kollu.

(d)

Is-suq għas-servizzi ta’ riklamar, mill-inqas fir-Renju Unit kollu.

(e)

Is-suq għal servizzi ta' intermedjazzjoni tar-reklamar tal-mowbajls, mill-inqas fir-Renju Unit kolli.

(f)

Is-suq tas-servizzi tal-SMS fil-livell ta' konsumaturi u fil-livell ta' operaturi bl-ingrossa, mill-inqas mar-Renju Unit kollu.

(g)

Is-suq tas-servizzi tal-analiżi tad-dejta, mill-inqas fir-Renju Unit kollu.

(h)

Is-suq tar-Renju Unit għas-servizzi tat-telefonija mobbli fil-livell ta' konsumatur.

Valutazzjoni tal-kompetizzjoni

Effetti vertikali

5.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-operazzjoni proposta x'aktarx li la twassal għal effetti vertikali koordinati u lanqas mhux koordinati, li jimpedixxu l-kompetizzjoni effettiva b'mod sinifikanti f'mill-inqas fis-suq tal-forniment fil-livell ta' operaturi tal-pjattaformi tal-kartieri mobbli fir-Renju Unit kollu.

6.

B'mod partikolari, il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-Partijiet Notifikanti x'aktarx ma għandhomx:

(a)

l-abbiltà teknika sabiex sostanzjalment jeskludu fornituri konkorrenti tal-kartieri mobbli,

(b)

l-abbiltà kummerċjali, biex sostanzjalment jeskludu fornituri konkorrenti tal-kartieri mobbli, u

(c)

inċentivi unilaterali jew koordinati biex jeskludu fornituri konkorrenti tal-kartieri mobbli.

7.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-operazzjoni proposta x'aktarx ma twassalx għal effetti vertikali koordinati u lanqas mhux koordinati, li jimpedixxu l-kompetizzjoni effettiva b'mod sinifikanti f'mill-inqas fis-suq tal-forniment fil-livell ta' operaturi u ta' konsumaturi tas-servizzi tal-SMS fir-Renju Unit kollu.

Effetti ta' Konglomerat

8.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-operazzjoni proposta x'aktarx ma twassalx għal effetti koordinati, kif ukoll mhux koordinati, li jimpedixxu b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi tat-telefonija mobbli fil-livell ta' konsumatur fir-Renju Unit kollu.

Effetti Orizzontali

9.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-operazzjoni proposta x'aktarx ma twassalx għal effetti orizzontali li jimpedixxu b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-swieq relevanti.

Konklużjoni

10.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-operazzjoni proposta x'aktarx ma timpedixxix b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f'parti sostanzjali minnu, u li bħala riżultat trid tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE skont l-Artikoli 2(2) u 8(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.


7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/4


Rapport finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

COMP/M.6314 – Telefónica UK/Vodafone UK/Everything Everywhere/JV

2013/C 66/03

Fis-6 ta’ Marzu 2012, il-Kummisjoni Ewropea rċeviet notifika ta’ proposta ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) li bih Telefónica UK Limited, Vodafone Group plc, u Everything Everywhere Limited (kkontrollati b’mod konġunt minn France Télécom u Deutsche Telekom) jakkwistaw, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Għaqdiet, il-kontroll konġunt ta’ impriża konġunta li għadha kif inħolqot, li se toffri servizzi varji ta’ kummerċ ċellulari lil negozji fir-Renju Unit. Fit-13 ta’ April 2012 il-Kummissjoni addottat deċiżjoni biex tibda proċeduri skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

Fl-14 ta’ Ġunju u l-10 ta’ Lulju 2012, jien aċċettajt talbiet minn, rispettivament, Hutchinson 3G UK Limited (“Three UK”) u Lloyds Banking Group biex jinstemgħu bħala persuni terzi interessati skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Three UK u Lloyds Banking Group urew interess suffiċjenti fil-proċeduri. Il-konċentrazzjoni notifikata x’aktarx taffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fir-rigward tal-offerta ta’ servizzi kartiera mobbli fir-Renju Unit. Lloyds Banking Group huwa wkoll klijent potenzjali tal-impriża konġunta tal-ġejjieni. Barra minn hekk, iż-żewġ partijiet ikunu għamlu numru ta’ kontribuzzjonijiet matul il-proċedura. Għaldaqstant, jiena infurmajt lill-partijiet li għamlu n-notifika bid-deċiżjoni tiegħi li nirrikonoxxi Three UK u Lloyds Banking Group bħala persuni terzi interessati.

Fuq il-bażi ta’ evidenza addizzjonali miġbura matul il-fażi approfondita tal-investigazzjoni, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonkludew li t-tranżazzjoni proposta ma toħloqx impedimenti sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern, u għalhekk hi kompatibbli mas-suq intern u l-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE. Konsegwentement, ma ntbagħtet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lill-partijiet.

L-abbozz tad-deċiżjoni jipprovdi għal approvazzjoni mingħajr kundizzjonijiet tal-konċentrazzjoni proposta. Jien ma rċevejt l-ebda lment dwar l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali mill-partijiet li għamlu n-notifika jew partijiet oħra. L-abbozz tad-deċiżjoni ma fih l-ebda oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ma kellhomx l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, jiena nikkunsidra li l-parteċipanti kollha fil-proċedura setgħu effettivament jeżerċitaw id-drittijiet proċedurali tagħhom f’dan il-każ.

Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2012.

Michael ALBERS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjoni bejn l-impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).


7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/5


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-4 ta' Settembru 2012

li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u l-funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE

(Każ COMP/M.6314 – Telefónica UK/Vodafone UK/Everything Everywhere/JV)

(notifikata bid-dokument numru C(2012) 6063 final)

(It-test bil-Ingliż biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 66/04

Partijiet minn dan it-test ġew immodifikati sabiex jiġi żgurat li ma tiġi ddivulgata ebda informazzjoni kunfidenzjali; il-partijiet li huma magħluqa f’parenteżi kwadri u mmarkati b’asterisk.

Fl-4 ta’ Settembru 2012 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa hija disponibbli bil-lingwa awtentika tal-każ u bil-lingwi proċedurali tal-Kummissjoni fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   IL-PROĊEDURA

(1)

Fis-6 ta' Marzu 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (imsejjaħ ir-“Regolament tal-Għaqdiet”) li permezz tagħha l-impriżi Everything Everywhere Limited (“Everything Everywhere”), Telefónica UK Limited (“Telefónica UK”) u Vodafone Group Plc (“Vodafone Group”) (li flimkien huma “l-Partijiet li Jinnotifikaw”), jakkwistaw, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Fużjonijiet, kontroll konġunt ta’ kumpanija maħluqa ġdida li tikkostitwixxi impriża konġunta (il-“JV Co”), li sejra toffri diversi servizzi ta’ kummerċ bil-mowbajl (“mKummerċ”) lil negozji fir-Renju Unit (l-“operazzjoni”).

(2)

L-operazzjoni għandha dimensjoni tal-UE skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Fużjonijiet.

(3)

Wara l-valutazzjoni tal-ewwel fażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni kienet taqa’ fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Fużjonijiet u qajmet dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u mal-Ftehim taż-ŻEE. Għalhekk, fit-13 ta' April 2012, il-Kummissjoni nediet proċeduri skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament tal-Fużjonijiet (li minn hawn ’il quddiem ser jissejħu d-“deċiżjoni li tiftaħ il-proċeduri”).

(4)

Il-Partijiet li Jinnotifikaw ipprovdew bosta sottomissjonijiet separati mmirati biex iwieġbu għal aspetti speċifiċi mqajma fid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċeduri.

(5)

Fit-2 ta' Mejju 2012, il-Partijiet li Jinnotifikaw talbu estensjoni tal-perjodu ta’ żmien għall-investigazzjoni tat-tieni fażi bi 17-il ġurnata tax-xogħol skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Fużjonijiet.

II.   IL-PARTIJIET LI JINNOTIFIKAW

(6)

Everything Everywhere hija impriża konġunta maħluqa mill-fużjoni ta’ T-Mobile UK u Orange UK li ġiet iddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern skont id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2010 fil-Każ COMP/M.5650 – T-Mobile/Orange (2). Everything Everywhere hija finalment proprjetà ta’ France Télécom u Deutsche Telekom, li huma involuti fis-servizzi tat-telefonija fissa u mobbli f’għadd ta’ Stati Membri tal-UE u madwar id-dinja.

(7)

Telefónica UK hija sussidjarja posseduta totalment minn Telefónica S.A. u tappartjeni għall-Grupp Telefónica, li primarjament joffri servizzi ta’ telefonija fissa u mobbli f’għadd ta’ Stati Membri tal-UE, kif ukoll f’għadd ta’ pajjiżi minn barra l-Ewropa, b’mod partikolari fl-Amerika Latina.

(8)

Vodafone Group hija l-kumpanija azzjonarja ta’ grupp ta’ kumpaniji li huwa involut fl-operat ta’ netwerks tat-telekomunikazzjoni mobbli u l-forniment ta’ servizzi relatati mat-telekomunikazzjoni. Vodafone Group għandha interessi azzjonarji fi 30 operatur tal-mowbajls madwar id-dinja. Vodafone Group hija attiva fi bnadi oħrajn fl-Unjoni Ewropea permezz tas-sussidjarji posseduti jew ikkontrollati totalment minnha, kif ukoll għandha relazzjonijiet ma’ netwerks imsieħba f’aktar minn 40 pajjiż ieħor, inklużi pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Vodafone UK Limited (“Vodafone UK”), sussidjarja posseduta u kkontrollata totalment ta' Vodafone Group, hija attiva b’mod partikolari fis-suq tat-telefonija mobbli tal-konsumaturi fir-Renju Unit.

(9)

L-impriża konġunta JV Co toffri diversi servizzi mmirati għal klijenti mid-dinja tan-negozju fir-Renju Unit. L-ebda waħda mill-attivitajiet ta' JV Co ma tiġi pprovduta direttament lill-konsumaturi. JV Co tkun qed tipprovdi servizzi lill-Partijiet li Jinnotifikaw, kif ukoll lil operaturi mobbli ta' partijiet terzi (l-“Utenti tas-Servizz”). B’mod partikolari, il-JV Co qiegħda tippjana li toffri s-servizzi li ġejjin:

(a)

Il-provvista ta’ pjattaforma li tippermetti l-forniment ta’ servizzi ta’ tranżazzjoni (pereżempju ħlas jew ix-xiri ta' biljetti bil-mowbajl) li huma aċċessibbli offline permezz ta’ telefown ċellulari bil-funzjoni ta' Near Field Communication (“NFC”) kif ukoll online permezz tal-internet (il-“Pjattaforma tal-Kartiera”) (3). Il-Pjattaforma tal-Kartiera tkun tappoġġja l-forniment ta’ diversi servizzi relatati mal-NFC, inklużi l-ħlas fil-ħwienet, ix-xiri ta’ biljetti u servizzi ta’ aċċess, kif ukoll servizzi ta’ vawċers u lealtà, u dan jippermetti l-għoti ta’ vawċers diġitali lill-konsumaturi (it-“Tranżazzjonijiet”). Dawn is-servizzi għandhom jiġu pprovduti lil entitajiet kummerċjali, inklużi banek, spedituri oħrajn tal-karti tal-ħlas (karti tal-kreditu, karti tad-debitu, valur maħżun, eċċ.), spedituri ta’ karti tal-lealtà, spedituri ta’ biljetti u bejjiegħa oħrajn bl-imnut (il-“Fornituri tas-Servizzi”);

(b)

Il-forniment u l-provvista ta’ servizzi ta’ pjattaforma ta’ kummerċjalizzazzjoni mobbli sabiex jiġi pprovdut punt uniku ta’ servizz għal dawk li jirreklamaw u l-aġenziji tal-midja li jixtiequ jiżviluppaw kampanji ta’ reklamar immirati lejn il-klijenti ta’ Operaturi ta’ Netwerks Mobbli (“MNOs”) u Operaturi ta’ Netwerks Mobbli Virtwali (“MVNOs”) (flimkien “operaturi mobbli”) kemm jekk permezz ta’ push messages, kupuni u vawċers, jew permezz tal-bejgħ ta’ spazju għal reklamar;

(c)

Il-forniment ta’ servizzi ta’ analitiċi tad-dejta lill-klijenti tar-reklamar u tat-Tranżazzjonijiet tal-JV Co fir-rigward tad-dejta miġbura kemm mis-servizzi tat-Tranżazzjonijiet kif ukoll mis-servizzi tar-reklamar tagħha (4).

III.   IS-SWIEQ RELEVANTI

3.1.   Swieq ta’ Prodotti relevanti

Suq għall-forniment ta’ pjattaformi ta’ kartiera mobbli għall-operaturi

(10)

Jista’ jiġi definit suq relevanti għall-forniment ta’ pjattaformi tal-kartieri mobbli għall-operaturi (5), differenti mis-suq ta' distribuzzjoni ta’ servizzi tal-kartieri mobbli għall-konsumaturi. Madankollu, għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, din tista’ titħalla bħala kwistjoni miftuħa peress li l-operazzjoni ma timpedix b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni alternattiva ta’ suq tal-prodotti.

Suq għal ħażna sikura

(11)

Kartiera mobbli teħtieġ il-ħażna sikura tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-kredenzjali tal-ħlas. Fil-prinċipju ħażna bħal din tista’ tiġi pprovduta minn varjetà ta’ mezzi bħall-ħażna fi cloud u l-ħażna fuq element sikur (secure element — ‘SE’) li jistgħu jkunu disponibbli f’diversi postijiet jew fuq it-telefown ċellulari.

(12)

Il-Kummissjoni ma teskludix li tista’ ssir distinzjoni bejn suq għall-forniment ta’ servizzi fuq pjattaforma ta’ kartiera mobbli għall-operaturi u suq għall-forniment ta’ ħażna sikura biss. Madankollu, suq għall-forniment ta’ ħażna sikura ma jkunx jinkludi biss il-forniment ta’ ħażna sikura fuq SIM cards, iżda għall-inqas għandu jinkludi wkoll ħażna sikura pprovduta fuq SEs inkorporati u, possibbilment, fuq SEs fuq apparati li jitqabbdu mat-telefown ċellulari, kif ukoll soluzzjonijiet ibbażati fuq il-cloud.

(13)

Fi kwalunkwe każ, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, tista’ titħalla miftuħa l-kwistjoni dwar jekk suq għal ħażna sikura jinkludix ukoll ħażna sikura fuq SEs fuq mezzi li jitqabbdu mat-telefown ċellulari jew soluzzjonijiet ibbażati fuq il-cloud, peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni alternattiva ta’ suq tal-prodotti.

Suq għad-distribuzzjoni ta’ servizzi tal-kartieri mobbli fil-livell tal-konsumaturi

(14)

Il-Partijiet li Jinnotifikaw iqisu li jeżisti suq downstream għad-distribuzzjoni ta’ servizzi tal-kartieri mobbli fil-livell tal-konsumaturi. Il-JV Co stess mhux ser tkun preżenti f’dan is-suq. Minflok, l-offerta tal-JV Co ta’ forniment ta’ pjattaformi ta’ kartiera mobbli għall-operaturi għandha tippermetti lill-Partijiet li Jinnotifikaw u lil Utenti oħrajn tas-Servizz sabiex joffru kartiera mobbli individwalizzata fil-livell tal-konsumaturi fuq il-bażi tal-pjattaforma tal-kartiera sottostanti pprovduta mill-JV Co.

(15)

Matul l-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni vvalutat b’mod partikolari dawn li ġejjin:

(a)

Jekk is-suq tal-konsumaturi għall-forniment ta’ servizzi tal-kartiera mobbli (inklużi l-pagamenti offline u online bil-mowbajl) jikkostitwixxix suq separat mis-servizzi eżistenti ta’ pagamenti online (permezz ta’ karti tal-kreditu/debitu jew PayPal eċċ., permezz tal-internet fuq PC statiku, tablet jew minn fuq telefown ċellulari);

(b)

Jekk is-suq tal-bejgħ bl-imnut għall-forniment ta’ servizzi tal-kartieri mobbli (inklużi l-pagamenti offlajn u onlajn bil-mowbajl) jikkostitwixxix suq separat mill-pagamenti offline eżistenti (karti tal-kreditu u tad-debitu bl-NFC, u mezzi tradizzjonali ta’ ħlas bħal karti tal-kreditu, karti tad-debitu u flus kontanti);

(c)

Jekk is-suq tal-konsumaturi għall-forniment ta’ servizzi tal-kartieri mobbli għandux jinqasam b'mod aktar speċifiku bejn il-pagamenti offline u online bil-mowbajl.

(16)

Il-Kummissjoni tqis li l-metodi li hemm bħalissa għall-pagamenti online u pagamenti bil-mowbajl jistgħu jappartjenu għal swieq tal-prodotti relevanti u differenti. Madankollu, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-kwistjoni dwar jekk il-metodi li hemm bħalissa għall-pagamenti onlajn humiex parti mill-istess suq bħall-metodi ta’ pagamenti bil-mowbajl tista’ titħalla miftuħa, peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni alternattiva ta’ suq tal-prodotti.

(17)

Il-Kummissjoni tqis li l-pagamenti bil-mowbajl x’aktarx li jkomplu jikkoeżistu fil-futur qarib ma' mezzi ta’ pagamenti mhux mobbli, inklużi karti tal-kreditu u tad-debitu bl-NFC u mhux bl-NFC. Il-konsumaturi ser ikunu jridu jkomplu jużaw bosta mezzi tal-ħlas, u l-fornituri tal-mezzi tal-ħlas u l-bejjiegħa bl-imnut għandhom inċentiv biex ikomplu jipprovdu u jaċċettaw il-mezzi tal-ħlas użati mill-klijenti tagħhom. Anki jekk dawn il-mezzi tal-ħlas għandhom karatteristiċi li jagħmluhom differenti minn pagamenti bil-mowbajl, xorta x’aktarx li jeżisti ċertu grad ta’ sostitwibbiltà, speċjalment bejn il-pagamenti bil-mowbajl u l-karti tal-kreditu u tad-debitu bl-NFC, xi ħaġa li timplika li l-mezzi li hemm bħalissa għall-pagamenti offline jistgħu jeżerċitaw pressjoni kompetittiva fuq il-fornituri fil-livell tal-konsumaturi ta’ servizzi ta' pagament bil-mowbajl. Min-naħa tiegħu, dan ser joħloq restrizzjoni kompetittiva indiretta fuq il-fornituri operaturi ta’ pjattaformi ta’ kartiera mobbli. Madankollu, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-kwistjoni dwar jekk il-pagamenti offline li huma disponibbli bħalissa humiex parti mill-istess suq bħall-pagamenti bil-mowbajl tista’ titħalla miftuħa, peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni alternattiva ta’ suq tal-prodotti.

(18)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li l-pagamenti online u offline bil-mowbajl mhux mistennija jkunu parti mill-istess suq tal-prodotti relevanti, tal-inqas għalissa. Filwaqt li l-evoluzzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir/medju mhijiex ċara għal kollox (6), għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-kwistjoni dwar jekk il-pagamenti online u offline bil-mowbajl humiex parti mill-istess suq tista’ titħalla miftuħa, peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni alternattiva ta’ suq tal-prodotti.

Suq għal servizzi ta’ reklamar

(19)

Il-JV Co għandha taġixxi bħala intermedjarju għall-bejgħ ta’ inventarju ta’ reklamar diġitali: toffri “punt uniku ta' servizz” lil dawk li jirreklamaw, lill-aġenziji u oħrajn sabiex ikunu jistgħu jibagħtu kupuni u offerti jew kampanji ta’ reklamar ta’ ditti fuq it-telefowns ċellulari tal-klijenti parteċipanti tal-M(V)Nos kollha li jieħdu sehem b’kampanja waħda.

(20)

B’mod partikolari, il-JV Co toffri s-servizzi li ġejjin:

(a)

push SMS: il-JV Co tibgħat messaġġi bl-SMS lill-klijenti tal-M(V)Nos parteċipanti li jkunu aċċettaw li jirċievu messaġġi jew offerti ta’ kummerċjalizzazzjoni;

(b)

SMS bl-ingrossa intelliġenti: il-JV Co tibgħat messaġġi bl-SMS lill-klijenti tal-kumpanija li tirreklama li jkunu aċċettaw li jirċievu t-tali messaġġi bis-sovrappożizzjoni ta’ dejta/karatteristiċi addizzjonali bil-għan li tittejjeb l-effikaċja tal-kampanja. Il-JV Co tipprovdi, bħala attività anċillari biss, servizzi standard ta’ SMS bl-ingrossa, jiġifieri mingħajr sovrappożizzjoni intelliġenti;

(c)

pull offers: il-JV Co tipprovdi aċċess għal dawk li jirreklamaw u l-aġenziji għal pjattaformi bħall-applikazzjonijiet tal-M(V)Nos jew għall-kartiera tal-JV Co sabiex ikunu jistgħu jagħmlu offerti jew jipprovdu informazzjoni f’post li l-konsumaturi jkunu mħeġġa jżuru sabiex isibu t-tali servizzi, minflok ma l-offerti jew l-informazzjoni jintbagħtu lilhom permezz ta’ push SMS/MMS jew f’reklam viżwali;

(d)

reklamar viżwali fuq l-assi tal-M(V)NOs: il-JV Co tipprovdi lil dawk li jirreklamaw b’għażliet ta’ reklamar li jinkludu reklami viżwali, kartelluni, pop-ups eċċ. fuq il-beni immobbli kollha li huma proprjetà tal-M(V)NOs parteċipanti, jiġifieri, fil-kartiera, portali u applikazzjonijiet mobbli;

(e)

kupuni u vawċers: il-JV Co tipprovdi l-kapaċità li jinħarġu kupuni u vawċers permezz tal-messaġġi u mezzi oħrajn, li dawn jissarrfu kemm onlajn kif ukoll fil-postijiet tal-bejgħ bl-imnut permezz tal-kartiera tal-JV Co jew applikazzjonijiet mobbli oħrajn u, fejn ikun meħtieġ, it-traċċar dak it-tisrif.

(21)

Il-JV Co mhijiex ser tkun attiva f’tipi oħrajn ta’ reklamar bil-mowbajl (bħal pereżempju l-forniment ta’ servizzi intermedjarji għal reklamar ta’ tfittxija), li, għaldaqstant, mhumiex diskussi f'din id-Deċiżjoni.

Suq għal servizzi intermedjarji għal reklamar fuq il-mobajl

(22)

Skont il-Partijiet li Jinnotifikaw, is-suq tal-prodotti relevanti għall-valutazzjoni tal-formazzjoni tal-JV Co huwa s-suq għall-forniment tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni għal reklamar diġitali fir-Renju Unit, inklużi l-forom kollha ta’ reklamar diġitali (kemm jekk messaġġi ta' kummerċjalizzazzjoni permezz tal-posta elettronika, SMS jew notifika push; jew permezz ta’ reklamar onlajn ta’ tfittxija u mhux għat-tfittxija), ipprovduti kemm permezz ta’ konnessjonijiet statiċi tal-internet kif ukoll permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mobbli (u tabilħaqq permezz ta’ mezzi intermedjarji bħal laptops u kompjuters tal-id (tablets)).

(23)

Fil-prattika preċedenti tagħha, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-għoti ta’ spazju għal reklamar onlajn u dak offlajn (7). Il-Kummissjoni ddiskutiet ukoll il-kwistjoni ta’ jekk is-suq għar-reklamar online jistax jinqasam f'iktar servizzi ta’ tfittxija u mhux ta' tfittxija, iżda finalment ħalliet din il-kwistjoni miftuħa, għaliex skont kull definizzjoni alternattiva ta’ suq tal-prodotti, it-tranżazzjoni ma qajmet ebda tħassib marbut mal-kompetizzjoni (8).

(24)

Madankollu, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-kwistjoni dwar jekk ir-reklamar fuq il-mowbajl jikkostitwixxix suq separat mir-reklamar onlajn (ta' tfittxija jew mhux ta' tfittxija) jew jekk huwiex parti minn suq usa’ tista' titħalla miftuħa, peress li m'hemmx il-probabilità li l-operazzjoni ġġib magħha xkiel notevoli għall-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni possibbli ta’ suq tal-prodotti.

Messaġġi mmirati ta' kummerċjalizzazzjoni fir-reklamar fuq il-mowbajl

(25)

Madankollu, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-kwistjoni dwar jekk il-messaġġi ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq il-mobajl jikkostitwixxux suq separat mir-reklamar fuq il-mowbajl ta' tfittxija jew mhux ta' tfittxija, jew inkella jekk dan is-servizz huwiex parti minn suq usa’, peress li m'hemmx il-probabilità l-operazzjoni ġġib magħha xkiel notevoli għall-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni possibbli ta’ suq tal-prodotti.

L-eżistenza ta’ swieq sekondarji separati fil-messaġġi mmirati ta' kummerċjalizzazzjoni

(26)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk fil-messaġġi mmirati ta' kummerċjalizzazzjoni, il-push SMS u l-SMS bl-ingrossa intelliġenti min-naħa, u n-notifiki tal-IP push min-naħa l-oħra, jikkostitwixxux swieq separati.

(27)

Madankollu, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-kwistjoni dwar jekk it-tipi differenti ta’ messaġġi mmirati ta' kummerċjalizzazzjoni fuq il-mobajl jikkostitwixxux swieq separati jew jekk humiex parti minn suq usa’ tista’ titħalla miftuħa, peress li m'hemmx il-probabilità li l-operazzjoni ġġib magħha xkiel notevoli għall-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni possibbli ta’ suq tal-prodotti.

Intermedjazzjoni tar-reklamar bil-mowbajl kontra l-bejgħ dirett

(28)

Il-JV Co sejra tkun intermedjarju għal messaġġi mmirati ta’ kummerċjalizzazzjoni, reklamar mhux ta' tfittxija u forom oħrajn ta’ reklamar fuq telefowns ċellulari (bħal kupuni u vawċers).

(29)

Fuq il-bażi tal-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-bejgħ dirett ta’ reklamar bil-mowbajl jillimita l-bejgħ permezz ta’ kumpaniji intermedjarji b’mod notevoli. Fi kwalunkwe każ, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-kwistjoni dwar jekk hemmx swieq separati għall-bejgħ dirett u intermedjat ta’ reklamar fuq il-mowbajl jew jekk dawn humiex parti minn suq usa’ tista’ titħalla miftuħa, peress li m'hemmx il-probabilità li l-operazzjoni ġġib magħha xkiel notevoli għall-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni possibbli ta’ suq tal-prodotti.

Konklużjoni ġenerali

(30)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa konkluż li, fir-rigward tal-attivitajiet ta’ reklamar tal-JV Co, id-definizzjoni preċiża ta’ suq tal-prodotti tista’ titħalla miftuħa, peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni alternattiva ta’ suq tal-prodotti.

Suq għal servizzi ta’ SMS bl-ingrossa għall-konsumaturi u l-operaturi

(31)

Is-servizz ta' SMS bl-ingrossa għall-konsumaturi jippermetti lin-negozji (bħal bejjiegħa bl-imnut jew istituzzjonijiet finanzjarji) jibagħtu volumi kbar ta’ messaġġi bil-kliem lill-klijenti tagħhom (diment li dawn ikunu aċċettaw li jirċievu t-tali messaġġi fuq it-telefowns ċellulari tagħhom). Jista’ jintuża biex jintbagħtu messaġġi ta’ kummerċjalizzazzjoni, iżda bħalissa qiegħed jintuża l-aktar għal komunikazzjonijiet ġenerali lill-klijenti. Pereżempju, bank jista’ juża servizz ta’ SMS bl-ingrossa għall-konsumaturi biex jibgħat dikjarazzjonijiet bankarji mqassra jew twissijiet dwar frodi lill-klijenti tiegħu.

(32)

It-twassil tal-messaġġi permezz tal-SMS lir-riċevituri fil-mira tagħhom jeħtieġ konnettività f’netwerk mobbli wieħed jew aktar u t-twassil fiżiku ta’ dawk il-messaġġi lill-abbonati relevanti tal-mowbajl. Dan is-servizz issir referenza għalih bħala t-twassil tal-SMS bl-ingrossa għall-operaturi. Is-servizz jikkonsisti f'żewġ elementi ewlenin: l-ewwel nett, it-twassil tal-messaġġ mill-speditur (il-JV Co jew aggregatur lin-netwerk tal-mobajl li għalih ikun abbona r-riċevitur fil-mira – in-netwerk ta’ oriġini) u t-tieni, it-twassil min-netwerk ta’ oriġini għat-telefown ċellulari tar-riċevitur.

(33)

Il-Partijiet li Jinnotifikaw iqisu li hemm suq separat għas-servizzi tal-SMS bl-ingrossa għall-konsumaturi u għas-servizzi bl-ingrossa tat-twassil tal-SMS għall-operaturi, li huwa kontribut upstream fis-servizzi ta’ messaġġi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-JV Co.

(34)

Fuq il-bażi tal-investigazzjoni tas-suq, is-servizzi tal-SMS bl-ingrossa għall-konsumaturi jikkostitwixxu suq separat minn dak tal-messaġġi attivi ta’ kummerċjalizzazzjoni. Tal-ewwel huwa downstream mis-suq possibbli għall-forniment ta’ servizzi ta’ SMS bl-ingrossa għall-operaturi. Madankollu, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjoni preċiża tas-suq tista’ titħalla miftuħa, peress li m'hemmx il-probabilità li l-operazzjoni ġġib magħha xkiel notevoli għall-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni possibbli ta’ suq tal-prodotti.

Suq għal servizzi ta' analiżi tad-dejta

(35)

Minbarra s-servizzi tat-Tranżazzjonijiet u ta' reklamar tagħha, il-JV Co sejra toffri servizzi ta' analiżi tad-dejta lill-klijenti tagħha. Il-Partijiet li Jinnotifikaw ma jipprevedux li l-JV Co sejra toffri s-servizzi ta' analiżi tad-dejta bħala prodotti waħedhom. Il-JV Co għandha l-għan li tiġbor u tanalizza d-dejta ġġenerata kemm mis-servizz tat-Tranżazzjonijiet kif ukoll mis-servizz ta’ reklamar tagħha sabiex tipprovdi lill-klijenti tagħha b'tagħrif siewi dwar l-imġiba tal-konsumaturi. L-attivitajiet ta’ analiżi tad-dejta tal-JV Co jinkludu tliet elementi prinċipali: analiżi tar-rapportar; analiżi tal-iżvilupp tan-negozju; u analiżi tal-lealtà.

(36)

Fil-fehma tal-Partijiet li Jinnotifikaw, il-JV Co ser tkun attiva fis-suq għall-forniment ta’ servizzi ta' analiżi tad-dejta fir-rigward tas-servizzi online u offline ta’ reklamar u tat-Tranżazzjonijiet. F'dan il-każ ma jqisux li hemm bżonn li jinqasam is-suq globali għall-forniment ta’ servizzi ta' analiżi tad-dejta.

(37)

Fil-kuntest ta' din l-operazzjoni, il-Kummissjoni vvalutat jekk jistax ikun hemm suq tal-prodotti separat għall-forniment ta’ servizzi ta' analiżi tad-dejta għar-reklamar fuq il-mowbajl.

(38)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni vvalutat jekk fl-ambjent mobbli jistax ikun hemm swieq separati għal servizzi ta’ riċerka fis-suq (immirati biex ikejlu u jifhmu l-imġiba tal-konsumaturi bħala xerrejja) u servizzi ta’ informazzjoni dwar is-suq (immirati biex jipprovdu dejta dwar konsumaturi individwali bħall-età, il-grupp soċjali, l-attivitajiet, l-indirizz, eċċ. għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta).

(39)

Fi kwalunkwe każ, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjoni preċiża ta’ suq tal-prodotti tista’ titħalla miftuħa, peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b'mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni alternattiva ta’ suq tal-prodotti.

Suq għal servizzi ta’ telefonija mobbli għall-konsumaturi

(40)

F’dan is-suq, l-MNOs ibiegħu telefonati bil-leħen nazzjonali u internazzjonali, SMS (inklużi MMS), internet mobbli b’servizzi ta’ dejta u aċċess għall-kontenut permezz tan-netwerk mobbli lill-klijenti finali.

(41)

Fid-deċiżjonijiet ta' qabel (9), il-Kummissjoni ma komplitx taqsam is-suq għall-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli lill-klijenti finali skont it-tip ta’ klijent (korporattiv jew privat, abbonati li jħallsu wara jew klijenti li jħallsu bil-quddiem) jew skont it-tip ta’ teknoloġija tan-netwerk (2G/GSM jew 3G/UMTS). Għaldaqstant, il-Kummissjoni vvalutat il-każijiet preċedenti fuq il-bażi ta’ suq wieħed għall-forniment ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli lill-klijenti finali.

(42)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-kwistjoni dwar jekk hemmx swieq sekondarji distinti jew le fir-rigward tas-servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli lill-klijenti finali għandha titħalla miftuħa, peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b'mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni alternattiva ta’ suq tal-prodotti.

3.2.   Is-Swieq Ġeografiċi Relevanti

Suq għall-forniment ta’ pjattaformi ta’ kartiera mobbli għall-operaturi

(43)

Il-Partijiet li Jinnotifikaw huma tal-fehma li, bħala minimu, is-suq ġeografiku relevanti għall-provvista ta’ pjattaformi ta’ kartiera mobbli għall-operaturi għandu kamp ta' applikazzjoni nazzjonali, peress li jkopri r-Renju Unit kollu.

(44)

Fuq il-bażi tal-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, f'dan il-każ, l-ambitu ġeografiku tal-provvista ta’ pjattaformi ta’ kartiera mobbli għall-operaturi jidher li huwa tal-inqas nazzjonali (ir-Renju Unit) u possibbilment usa’ minn nazzjonali. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk l-ambitu ġeografiku tas-suq għall-provvista tal-pjattaformi ta’ kartiera mobbli għall-operaturi huwiex usa’ minn nazzjonali tista' titħalla miftuħa, peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b'mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni relevanti ta’ suq ġeografiku.

Suq għal ħażna sikura

(45)

Il-Partijiet li Jinnotifikaw ma kkunsidrawx suq għal ħażna sikura jew l-ambitu ġeografiku tiegħu.

(46)

Il-provvista ta’ ħażna sikura ta’ SEs ibbażati fuq SIM cards tidher li hija marbuta mill-qrib mal-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli għall-konsumaturi, swieq li, fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, il-Kummissjoni sabet li għandhom ambitu ġeografiku nazzjonali (10).

(47)

Min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ ħażna sikura fuq SEs inkorporati tista' tkun usa’ fl-ambitu ġeografiku peress li l-spedituri ta’ SEs inkorporati, b’mod partikolari l-fornituri tal-OEMs u tal-OS u, possibbilment, l-ispedituri ta’ SEs esterni u ta’ ħażna sikura bbażata fuq il-cloud huma attivi madwar id-dinja. Għalhekk, jistgħu jidħlu f'kuntratti ma' fornituri ta’ servizzi tal-kartieri mobbli għall-konsumaturi jew fornituri ta’ pjattaformi ta’ kartiera mobbli għall-operaturi għall-provvista ta’ ħażna sikura fuq bażi usa’ minn dik nazzjonali.

(48)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, f'dan il-każ, is-suq possibbli għall-provvista ta’ ħażna sikura jidher li tal-inqas għandu ambitu ġeografiku nazzjonali (ir-Renju Unit). Madankollu, għall-finijiet ta’ din l-operazzjoni, id-definizzjoni eżatta ta’ suq ġeografiku għal suq possibbli għal ħażna sikura tista’ titħalla miftuħa peress li l-operazzjoni proposta ma xxekkilx b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni relevanti ta’ suq ġeografiku.

Suq għad-distribuzzjoni ta’ servizzi tal-kartieri mobbli għall-konsumaturi

(49)

Il-Partijiet li Jinnotifikaw huma tal-fehma li, bħala minimu, l-ambitu ġeografiku relevanti tas-suq għad-distribuzzjoni ta’ servizzi tal-kartieri mobbli għall-konsumaturi huwa nazzjonali. Huma ma jantiċipawx li joffru kartieri mobbli b’mod attiv lil konsumaturi barra mir-Renju Unit, u dan jirrifletti l-fatt li l-karti tal-ħlas u s-servizzi li jiġu offruti permezz tal-kartiera mobbli ser ikunu relatati mal-SPs fir-Renju Unit.

(50)

Madankollu, il-Partijiet li Jinnotifikaw jistennew li l-kompetituri tagħhom, bħal Google u PayPal, joffru dawn is-servizzi lil konsumaturi f’bosta pajjiżi (11) u għalhekk ikunu attivi fuq bażi globali. Huma tal-fehma li, filwaqt li ma hemm ebda bażi biex jiġu identifikati swieq lokali jew reġjonali, il-kwistjoni dwar jekk is-suq relevanti għad-distribuzzjoni ta’ servizzi tal-kartieri mobbli lill-konsumaturi jistax ikun mifrux fuq ambitu usa’ minn dak nazzjonali tista' titħalla miftuħa.

(51)

Fuq il-bażi tal-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, f'dan il-każ, is-suq għad-distribuzzjoni ta’ servizzi tal-kartieri mobbli għall-konsumaturi jidher li għandu mill-inqas ambitu ġeografiku nazzjonali (ir-Renju Unit). Madankollu, għall-finijiet ta’ dan il-każ, id-definizzjoni eżatta ta’ suq ġeografiku għad-distribuzzjoni ta’ servizzi tal-kartieri mobbli għall-konsumaturi tista’ titħalla miftuħa peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni relevanti ta’ suq ġeografiku.

Suq għal servizzi ta’ reklamar

(52)

Fir-rigward tas-servizzi ta’ reklamar ipprovduti mill-JV Co (u swieq sekondarji possibbli), il-Partijiet li Jinnotifikaw jiddikjaraw li d-definizzjoni ta’ suq ġeografiku hija mill-inqas mifruxa mar-Renju Unit kollu, jekk mhux usa’.

(53)

Fid-dawl tal-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-suq ġeografiku għas-servizzi ta’ reklamar u s-swieq sekondarji possibbli tiegħu jidher li għandu kamp ta' applikazzjoni nazzjonali (ir-Renju Unit). Madankollu, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjoni eżatta ta’ suq ġeografiku tista’ titħalla miftuħa peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b'mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni possibbli ta’ suq ġeografiku.

Suq għal servizzi ta’ SMS bl-ingrossa għall-konsumaturi u l-operaturi

(54)

Il-Partijiet li Jinnotifikaw iqisu li l-ambitu ġeografiku relevanti tas-suq għal servizzi ta’ SMS bl-ingrossa għall-konsumaturi huwa mill-inqas nazzjonali, peress li jkopri r-Renju Unit kollu.

(55)

Jidher li l-ambitu ġeografiku tas-suq (possibbli) għal servizzi ta’ SMS bl-ingrossa għall-konsumaturi huwa nazzjonali (ir-Renju Unit) jew possibbilment usa’; is-suq (possibbli) għal servizzi ta’ SMS bl-ingrossa għall-operaturi jidher li huwa usa’ minn dak nazzjonali.

(56)

Fir-rigward tas-suq kemm għal servizzi għall-konsumaturi kif ukoll għal servizzi għall-operaturi ta’ SMS bl-ingrossa, id-definizzjoni preċiża ta’ suq ġeografiku tista’ titħalla miftuħa f'dan il-każ, peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni alternattiva ta’ suq ġeografiku.

Suq għal servizzi ta' analiżi tad-dejta

(57)

Il-Partijiet li Jinnotifikaw iqisu li, bħala minimu, l-ambitu ġeografiku għas-suq għal servizzi ta' analiżi tad-dejta (u s-swieq sekondarji relevanti tiegħu) huwa nazzjonali, peress li jkopri r-Renju Unit kollu.

(58)

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, id-definizzjoni preċiża ta’ suq ġeografiku tista’ titħalla miftuħa, peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe definizzjoni alternattiva ta’ suq ġeografiku.

Suq għal servizzi ta’ telefonija mobbli għall-konsumaturi

(59)

Fid-deċiżjonijiet ta' qabel (12), il-Kummissjoni qieset li s-suq ġeografiku relevanti għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli lill-klijenti finali (u kwalunkwe suq sekondarju possibbli) għandu kamp ta' applikazzjoni nazzjonali. Dan huwa bbażat fuq il-fatt li t-tariffi ċellulari joperaw fuq bażi nazzjonali u li anki r-regolamentazzjoni (bħall-allokazzjoni tal-ispettru, l-enumerar u t-terminazzjoni tat-telefonija mobbli) issir fuq bażi nazzjonali.

(60)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li, b’mod konsistenti mad-deċiżjonijiet li ħadet qabel, is-suq ġeografiku huwa ristrett għar-Renju Unit.

IV.   VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

4.1.   Daħla

(61)

Skont l-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk konċentrazzjoni proposta xxekkilx b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali minnu (13). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni vvalutat is-swieq kollha milqutin mill-operazzjoni.

(62)

Fir-rigward tas-servizzi ta’ tranżazzjoni mobbli, is-swieq relevanti għall-valutazzjoni tal-operazzjoni huma s-suq upstream għall-provvista ta’ servizzi ta’ pjattaforma ta’ kartiera mobbli għall-operaturi, is-suq għall-aċċess għal ħażna sikura, is-suq downstream għad-distribuzzjoni ta’ kartieri mobbli għall-konsumaturi u s-suq għal servizzi ta’ telefonija mobbli għall-konsumaturi. Dawn is-swieq kollha għandhom ambitu ġeografiku li tal-inqas huwa mifrux mar-Renju Unit kollu u forsi anki lil hinn (14).

(63)

Fir-rigward tas-servizzi ta’ reklamar tal-JV Co, is-swieq relevanti għall-valutazzjoni kompetittiva tal-operazzjoni huma s-suq għal intermedjazzjoni ta’ reklamar mobbli u s-swieq sekondarji potenzjali tiegħu, kif ukoll is-suq għall-provvista ta’ servizzi ta’ SMS bl-ingrossa għall-operaturi u l-konsumaturi. Barra minn hekk, is-suq għas-servizzi ta' analiżi tad-dejta, bis-swieq sekondarji possibbli tiegħu, huwa wkoll relevanti għall-valutazzjoni kompetittiva f'dan il-każ.

(64)

Il-Kummissjoni ffokat l-investigazzjoni tas-suq tagħha primarjament fuq il-valutazzjoni tal-probabbiltà li l-ħsara kompetittiva li, bħala riżultat tal-operazzjoni, ġejja minn strateġiji ta’ esklużjoni possibbli, b’mod partikolari fid-dawl tal-pożizzjonijiet ferm b'saħħithom li għandhom il-Partijiet li Jinnotifikaw flimkien fuq is-suq tat-telefonija mobbli għall-konsumaturi fir-Renju Unit. Bħala konsegwenza, din it-taqsima l-ewwel tivvaluta l-effetti mhux orizzontali possibbli tal-operazzjoni fuq is-swieq għall-kartiera mobbli u l-SMS bl-ingrossa u mbagħad teżamina l-effetti orizzontali possibbli tal-operazzjoni fuq is-swieq għall-provvista ta’ servizzi ta’ pjattaformi ta’ kartiera mobbli għall-operaturi u fuq is-swieq għal servizzi ta’ reklamar mobbli u l-provvista ta’ servizzi ta' analiżi tad-dejta.

(65)

Għall-valutazzjoni tal-effetti orizzontali possibbli, il-Kummissjoni qieset is-sitwazzjoni fin-nuqqas tal-operazzjoni. Fuq il-bażi tal-eżitu tal-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tqis li l-Partijiet li Jinnotifikaw sejrin ikunu (u sa ċertu punt diġà) jistgħu joffru s-servizzi tagħhom ta’ mKummerċ mingħajr il-JV Co (15). Madankollu, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, ma hemmx bżonn li tintlaħaq konklużjoni dwar dan, peress li l-operazzjoni ma xxekkilx b'mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva skont kwalunkwe xenarju alternattiv.

4.2.   Effetti mhux orizzontali – effetti vertikali

Daħla

(66)

F’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw jistgħux jeżerċitaw il-pożizzjoni kollettiva b’saħħitha tagħhom fis-suq għal servizzi ta’ telefonija mobbli għall-konsumaturi (u fi kwalunkwe suq sekondarju possibbli) sabiex jissostanzjaw l-esklużjoni ta’ oħrajn li potenzjalment jidħlu fis-suq ta’ kartiera mobbli għall-operaturi milli joffru servizzi kompetittivi ta’ pjattaformi ta’ kartiera mobbli. Skont il-Linji Gwida dwar l-Evalwazzjoni ta' Amalgamazzjonijiet Mhux Orizzontali, huma possibbli żewġ tipi ta’ esklużjoni: esklużjoni ta’ dħul u preklużjoni ta’ klijenti (16). F'dan il-każ, il-Kummissjoni tivvaluta l-probabbiltà li strateġija teskludi b’mod tekniku jew kummerċjali l-aċċess għall-fatturi ta’ produzzjoni essenzjali għall-forniment ta’ prodotti tal-kartiera mobbli offruti lill-konsumaturi finali; dawn il-fatturi ta’ produzzjoni essenzjali huma l-SE kif ukoll it-tqegħid ta’ applikazzjonijiet fuq telefown ċellulari, li bihom tkun tista' taħdem il-kartiera mobbli. Esklużjoni ta’ dħul bħal din tista’ tgħarraq jew tkun ta' ħsara għall-kondizzjonijiet kompetittivi fis-suq tas-servizzi ta’ pjattaforma ta’ kartiera mobbli għall-operaturi (pereżempju billi twassal għal prezzijiet ogħla għall-Fornituri tas-Servizzi) u tħalli impatt ukoll fuq il-kondizzjonijiet kompetittivi fis-suq downstream tal-kartiera mobbli tal-konsumaturi. B'hekk, hawn taħt il-Kummissjoni teżamina l-kapaċità u l-inċentiva tal-Partijiet li Jinnotifikaw sabiex jinvolvu ruħhom f'esklużjoni ta’ dħul bħal din.

(67)

Il-Kummissjoni investigat b’mod partikolari jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw għandhomx:

(a)

il-kapaċità teknika sabiex jeskludu b’mod sostanzjali lill-fornituri kompetituri tas-servizzi tal-kartieri mobbli permezz ta’ firxa ta’ mezzi potenzjali;

(b)

l-abbiltà u l-inċentivi sabiex jinvolvu ruħhom fl-esklużjoni kummerċjali tal-fornituri kompetituri tas-servizzi tal-kartieri mobbli permezz ta’ firxa ta’ mezzi potenzjali.

Valutazzjoni tal-esklużjoni teknika

(68)

Fir-rigward tal-kapaċità teknika li jeskludu b’mod sostanzjali lill-fornituri kompetituri tas-servizzi tal-kartieri mobbli, l-ewwel ta' min jinnota li l-parti l-kbira ta’ dawk li wieġbu għall-investigazzjoni tas-suq esprimew l-opinjoni li l-Partijiet li Jinnotifikaw mhux ser ikollhom il-kapaċità teknika li jipprevjenu jew jillimitaw il-kapaċità tal-kompetituri tagħhom (17) sabiex joffru servizzi tal-kartieri mobbli jekk mhux permezz tal-JV Co (18). Ta’ min jinnota wkoll li l-Partijiet li Jinnotifikaw jiddikjaraw li l-JV Co sejra tipprovdi aċċess lill-MNOs u l-MVNOs l-oħrajn fuq termini mhux diskriminatorji (19). B’mod partikolari, id-dettalji tekniċi kollha ser jiġu żviluppati mill-JV Co skont l-istandards tal-industrija u jiġu ċċirkolati bil-miftuħ lill-Utenti tas-Servizzi u lill-Utenti tas-Servizzi potenzjali fuq bażi mhux diskriminatorja (20).

(69)

L-aċċess għal SE jidher li huwa fundamentali għat-tħaddim tal-kartieri mobbli. Għad li fil-prinċipju huwa possibbli li t-tranżazzjonijiet li jsiru minn telefown ċellulari jiġu konklużi permezz ta’ soluzzjonijiet li jużaw soluzzjonijiet sikuri bbażati fuq softwer, fejn il-kredenzjali tal-pagament jinħażnu fil-cloud, f’dan l-istadju, soluzzjonijiet bħal dawn huma meqjusa bħala inqas sikuri jew li jaħdmu bil-mod wisq biex jintużaw fil-PoS, peress li jitolbu lill-utent idaħħal isem l-utent u l-passwords. Dawn is-soluzzjonijiet jidhru li huma vijabbli fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil (21).

(70)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-aktar mezzi li x’aktarx jintużaw bħalissa sabiex tiġi pprovduta kartiera mobbli lill-klijenti huma bl-użu ta’ SE bbażat fuq SIM card, jew inkella, bl-użu ta’ SE inkorporat.

(71)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni l-ewwel tivvaluta jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw jistgħux jeskludu b’mod sostanzjali lill-kompetituri milli joffru lill-klijenti tagħhom kartiera mobbli li tkun tikkompeti ma’ dik offruta mill-JV Co billi jirrifjutaw l-aċċess għall-SE li jinstab fl-SE bbażat fuq SIM card.

(72)

It-tieni, f’każ li jiġi rrifjutat l-aċċess għall-SE bbażat fuq SIM card, il-Kummissjoni tivvaluta jekk il-kompetituri ikunux għadhom jistgħu joffru l-kartieri mobbli tagħhom billi jaċċessaw SE alternattiv inkorporat fil-ħardwer tat-telefown ċellulari, jew jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw humiex ser ikunu jistgħu jeskludu b’mod sostanzjali lill-kompetituri milli joffru lill-klijenti tagħhom kartiera mobbli li tkun tikkompeti ma’ dik offruta permezz tal-JV Co billi jirrifjutaw l-aċċess għal dan l-SE alternattiv inkorporat.

(73)

Minkejja dan, peress li dan huwa suq ġdid u li għadu qiegħed jevolvi, il-Kummissjoni tosserva li jekk fil-ġejjieni jidħlu fis-suq teknoloġiji ġodda bbażati fuq softwer, SEs ibbażati fuq clouds, micro-SD, NFC stickers jew sleeves jew xi soluzzjonijiet alternattivi, kif wieħed jista' jistenna b’mod raġonevoli meta wieħed iqis l-evoluzzjonijiet teknoloġiċi, dawn jipprovdu kompetizzjoni notevoli addizzjonali u mbagħad limitazzjonijiet kompetittivi għall-JV Co u għall-Partijiet li Jinnotifikaw.

Kapaċità teknika sabiex jeskludu b’mod notevoli lill-fornituri ta’ kartiera mobbli f'kompetizzjoni billi jeskludu l-aċċess għall-SEs ibbażati fuq SIM card

(74)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Partijiet li Jinnotifikaw ser ikollhom il-kapaċità teknika sabiex jeskludu b’mod sostanzjali l-aċċess għal SEs ibbażati fuq SIM card lill-fornituri ta’ kartiera mobbli f'kompetizzjoni għall-kuntratti ta’ telefonija mobbli għall-konsumaturi li jiffirmaw mal-klijenti tagħhom (meta jipprovdu s-SIM card lill-klijent) fir-Renju Unit. Din il-konklużjoni ma tinbidilx jekk il-firxa tas-suq ġeografiku tkun usa’ mir-Renju Unit, peress li primarjament, il-Partijiet li Jinnotifikaw joffru l-kuntratti tagħhom ta’ telefonija mobbli għall-konsumaturi lil klijenti li huma residenti fir-Renju Unit.

Kapaċità teknika sabiex jimblokkaw/jiddegradaw il-kartieri mobbli kompetituri li jaħdmu b’SE alternattiv

(75)

Fil-prinċipju, l-aċċess għal SE bbażat fuq SIM card jista’ jiġi evitat mill-fornituri kompetituri ta’ kartieri mobbli jekk ikunu jistgħu jaċċessaw SEs oħrajn imqiegħda xi mkien fit-telefown ċellulari minbarra fis-SIM card tal-Partijiet li Jinnotifikaw.

(76)

L-SEs jistgħu jew jiġu inkorporati fil-ħardwer tat-telefown ċellulari (soluzzjoni proposta minn bosta OEMs (22) li jbigħu telefowns ċellulari fir-Renju Unit), jew inkella jiddaħħlu f’apparat estern li jitqabbad mat-telefown ċellulari. Bħala eżempju, Visa diġà toffri soluzzjoni ta’ ħlas bil-mowbajl permezz ta' SE bħal din fir-Renju Unit.

(77)

Huwa probabbli ħafna li dawn l-alternattivi jintużaw minn kompetituri li joffru servizzi ta’ tranżazzjoni. Dan ċertament iwitti t-triq għall-kompetituri sabiex jipproponu l-prodotti tagħhom lill-konsumaturi billi jużaw SEs inkorporati, bħal Google Wallet.

(78)

Peress li l-aktar alternattiva probabbli għall-SE bbażat fuq SIM card hija l-SE inkorporat, il-Kummissjoni tiffoka l-valutazzjoni tagħha tal-esklużjoni teknika fuq il-kapaċità tal-Partijiet li Jinnotifikaw sabiex jiddegradaw il-funzjonalità ta’ kartieri mobbli rivali li jkunu jeħtieġu l-użu ta’ SE inkorporat. Essenzjalment, din id-degradazzjoni tista’ tieħu waħda minn bosta forom, li sejrin nikkunsidraw waħda wara l-oħra hawn taħt.

Kapaċità teknika sabiex jimblokkaw/jiddegradaw applikazzjoni ta’ kartiera mobbli f'kompetizzjoni, li kienet teħtieġ SE inkorporat, milli titniżżel, tiġi installata u/jew aġġornata fuq telefown ċellulari li jopera fuq in-netwerks tal-Partijiet li Jinnotifikaw

(79)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw jistgħux jiżguraw b’mod tekniku li l-konsumaturi ma jkunux jistgħu jniżżlu l-applikazzjoni tal-kartiera mobbli meħtieġa jew jużawha. Il-Partijiet li Jinnotifikaw isostnu li mhuwiex teknikament possibbli għal MNO li jimblokka (jew jiddegrada) t-tniżżil/l-installazzjoni jew l-aġġornar ta’ applikazzjoni ta’ kartiera mobbli (f'kompetizzjoni) (23).

(80)

Matul din l-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni daħlet f’komunikazzjoni mill-qrib mar-regolatur tat-telekomunikazzjoni tar-Renju Unit (Ofcom), li wera li kellu kompetenza teknika indipendenti. Ofcom ivvaluta fid-dettall is-sottomissjoni tal-Partijiet li Jinnotifikaw dwar l-esklużjoni teknika. Fis-sustanza, Ofcom ikkonkluda li d-dikjarazzjonijiet tal-Partijiet li Jinnotifikaw huma raġonevoli skont il-qagħda attwali tat-teknoloġija u l-applikazzjoni tas-servizzi tal-kartiera mobbli.

(81)

Fir-rigward tal-possibbiltà teknika li l-MNOs jipprevjenu t-tniżżil ta’ applikazzjoni ta’ kartiera mobbli f'kompetizzjoni mingħajr ma jimblokkaw l-aċċess għall-app store kollu, żewġ MNOs li mhumiex parti mill-JV Co ikkonfermaw li dan ma jkunx possibbli.

(82)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-possibbiltà teknika għall-MNOs li jwaqqfu konsumatur li juża l-konnessjoni 3G jew Wi-Fi tagħhom milli jniżżel l-applikazzjonijiet (pereżempju minn PayPal) minn app stores bħal Google Play jew iTunes, bosta minn dawk li wieġbu ddikjaraw li dan ma kienx possibbli.

(83)

Li kieku l-Partijiet li Jinnotifikaw jippruvaw jimblokkaw is-siti elettroniċi jew l-applikazzjonijiet għal raġunijiet oħrajn minbarra l-ġestjoni tat-traffiku jew l-imblokkar ta’ kontenut illegali, aktarx li jinqabdu mill-konsumaturi jew mis-sidien ta’ dawn is-siti elettroniċi u l-Ofcom, u dan jaffettwa l-imġiba tal-Partijiet li Jinnotifikaw f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni tqis li dan x’aktarx japplika wkoll għall-istrateġiji l-oħrajn ta’ esklużjoni teknika li ġew ivvalutati fid-Deċiżjoni.

(84)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, x’aktarx li l-Partijiet li Jinnotifikaw ma għandhom ebda kapaċità sabiex jimblokkaw jew jiddegradaw b’mod tekniku applikazzjoni ta’ kartiera mobbli f'kompetizzjoni milli titniżżel, tiġi installata jew aġġornata fuq telefown ċellulari li jopera fuq in-netwerk tal-Partijiet li Jinnotifikaw.

Kapaċità teknika sabiex jimblokkaw/jiddegradaw il-funzjonalità ta’, jew jiddiżattivaw SE inkorporat wara li jkun ġie installat

(85)

Il-Partijiet li Jinnotifikaw isostnu li l-OEMs huma l-spedituri tal-SEs inkorporati u jikkontrollaw l-aċċess għalihom, peress li l-OEMs ser ikollhom id-drittijiet fuq il-ġestjoni tal-kontenut. Il-Partijiet li Jinnotifikaw ma jistgħux jimblokkaw l-aċċess jew jiddegradaw il-funzjonalità tal-SE inkorporat għaliex huma ma għandhomx il-kodiċijiet tekniċi meħtieġa biex jidħlu fl-SE inkorporat. Huma ma jistgħux ibiddlu jew jiddeterminaw id-drittijiet tal-aċċess għall-SEs inkorporati.

(86)

Il-Kummissjoni tqis li, b’mod partikolari fuq il-bażi tar-rapport tal-Ofcom (24), l-MNOs mhumiex ‘is-sidien’ ta’ SEs mhux ibbażati fuq SIM card u, għalhekk, l-attivazzjoni u l-kontroll ta’ SE bħal dan mhux ser ikunu taħt il-kontroll tal-MNO (għalkemm l-iffaċilitar ta’ xi aspetti jista’ jiddependi parzjalment jew bis-sħiħ fuq servizzi ta’ aċċess, bħal konnessjonijiet broadband mobbli, li l-MNO jista' jipprovdihom lil xi klijenti). Jekk l-aċċess għall-konnessjoni broadband tal-MNO jista’ jintuża għall-attivazzjoni inizjali ta’ SE inkorporat, b’mod alternattiv dan jista’ jsir b’USB jew b’konnessjoni ta’ Wi-Fi. B'hekk, jekk l-MNO jixtieq jeskludi l-aċċess, jista’ jagħmel dan fir-rigward tal-konnessjoni broadband tal-MNO (jiġifieri dan jista’ jkun teknikament fattibbli) iżda aktarx li ma jkunx teknikament fattibbli li jiġi evitat l-użu ta’ servizzi oħrajn ta’ aċċess (pereżempju USB jew Wi-Fi) (25).

(87)

Fuq il-bażi tal-investigazzjoni tas-suq, x’aktarx li l-Partijiet li Jinnotifikaw ma għandhom ebda kapaċità teknika sabiex jimblokkaw jew jiddegradaw b’mod tekniku l-funzjonalità ta’, jew jiddiżattivaw SE inkorporat wara li jkun ġie installat.

Kapaċità teknika sabiex jissubordinaw it-tħaddim ta’ kartiera mobbli f'kompetizzjoni sabiex tingħata preferenza awtomatika lill-SE bbażat fuq SIM card/kartiera mobbli tal-Partijiet li Jinnotifikaw

(88)

Il-Partijiet li Jinnotifikaw isostnu li huwa possibbli li wieħed ikollu kemm SE bbażata fuq SIM card kif ukoll SE inkorporat fuq telefown ċellulari jaħdmu fl-istess ħin fuq l-istess telefown ċellulari. Huwa wkoll teknikament possibbli li wieħed ikollu kemm SE bbażat fuq SIM card kif ukoll SE inkorporat li jkunu “attivi” fl-istess ħin, jiġifieri li jkunu qegħdin joperaw f’modalità b’tali mod li l-qarrej mingħajr kuntatt ikun jista’ jċempel fuq liema SE jrid. Barra minn hekk, l-MNOs ma għandhomx il-kapaċità teknika li jissubordinaw it-tħaddim ta’ kartiera mobbli rivali sabiex tingħata preferenza awtomatika lill-SE bbażat fuq SIM card jew lill-kartiera mobbli ibbażata fuq il-pjattaforma tal-JV Co.

(89)

Fuq il-bażi tal-investigazzjoni tas-suq u b’ħarsa partikolari lejn is-sottomissjonijiet tal-Ofcom, il-Kummissjoni tqis li l-għażla tal-SE predefinit hija kwistjoni li finalment għandha tiġi deċiża mill-klijent.

(90)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li jista’ jkun hemm vantaġġi għal kartiera mobbli jekk tintgħażel minn qabel bħala l-kartiera mobbli predefinita fl-issettjar tat-telefown ċellulari. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li għal applikazzjoni li biha jistgħu jsiru ħlasijiet fil-ħwienet jew online, li tista’ titqies bħala applikazzjoni importanti għall-konsumaturi, f’termini ta’ sigurtà u benefiċċji perċepiti, eċċ., aktarx li l-konsumatur jagħżel l-applikazzjoni tal-ħlas li huwa jagħżel biex biha jħallas għall-prodotti jew is-servizzi li jixtri.

(91)

Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li f’każ ta’ telefown ċellulari b’SE bbażat fuq SIM card u SE inkorporat, huwa l-fornitur tal-OS u mhux l-OEMs li x’aktarx jagħmel l-ewwel konfigurazzjoni tal-issettjar tal-preferenza għall-SE u li, fl-aħħar mill-aħħar, huwa l-konsumatur li ser ikun jista’ jikkonfigura l-issettjar kif jixtieq hu.

Il-ħolqien ta’ standards jew speċifikazzjonijiet de facto li jeskludu lill-fornituri kompetituri tas-servizzi tal-kartieri mobbli

(92)

Il-Partijiet li Jinnotifikaw isostnu li mhuwiex previst li l-JV Co ser toħloq xi standards ġodda. Minflok, ser tkun qiegħda tuża standards eżistenti minn qabel u disponibbli b’mod miftuħ fil-ħolqien tal-pjattaforma tagħha tal-kartiera mobbli.

(93)

Il-Kummissjoni investigat jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw jistgħux joħolqu standards u speċifikazzjonijiet de facto, filwaqt li jipprevjenu l-aċċess għalihom lill-fornituri ta’ servizzi rivali ta’ pjattaforma ta’ kartiera mobbli għall-operaturi, biex b’hekk jeskluduhom milli joffru kartieri mobbli f'kompetizzjoni.

(94)

Ir-riżultat tal-investigazzjoni tas-suq fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk diġà jeżistux standards jew speċifikazzjonijiet li jirregolaw l-interoperabilità bejn l-SEs ibbażati fuq SIM card u l-applikazzjonijiet tal-kartiera mobbli ma kienx wieħed konklużiv. Il-Kummissjoni tqis li dan jista’ jirrifletti l-għamla f'evoluzzjoni ta’ din it-teknoloġija ġdida.

(95)

Barra minn hekk, f’dak li għandu x’jaqsam mal-faċilità li l-klijenti jħallsu, isarrfu l-kupuni u jitolbu l-punti għal-lealtà fl-istess ħin bit-telefowns ċellulari tagħhom (l-hekk imsejħa “soluzzjoni b'taptipa waħda” jew “one-tap solution”), fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li ma teżisti ebda speċifikazzjoni standard u li x’aktarx li l-Partijiet li Jinnotifikaw ikollhom joħolqu l-ispeċifikazzjonijiet tagħhom personali (26) jew inkella jużaw l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet żviluppati mill-parteċipanti fis-suq, bħal Google jew VeriFone (27).

(96)

Madankollu, sabiex tkun tista' tħaddem Google Wallet, Google żviluppat ukoll speċifikazzjonijiet proprjetarji sabiex ikun jista' jsir tisrif simultanju ta' ħlas-kupuni-punti għal-lealtà u l-manifatturi tal-qarrejja (“readers”) tal-PoS iddikjaraw li dawn l-ispeċifikazzjonijiet proprjetarji jistgħu jikkoeżistu fuq il-qarrejja tal-PoS sabiex il-kartieri mobbli differenti jkunu jistgħu jaħdmu (28).

(97)

F’Mejju 2010, fi Franza tnieda l-proġett Cityzi għal servizzi kummerċjali interoperabbli li jgħaqqdu s-sistemi ta’ xiri ta' biljetti tat-trasport, ħlasijiet sikuri bil-mowbajl, bosta proġetti fil-livell tal-konsumaturi u servizzi oħrajn relatati mat-turiżmu fuq telefowns ċellulari. Bħalissa, hemm aktar minn miljun telefown ċellulari bl-NFC li qegħdin jużaw dan is-servizz. Jidher li, waqt l-esperiment, l-istandard jew l-ispeċifikazzjoni attwali ta' GlobalPlatform għall-konnessjonijiet bejn it-TSM u l-ġestjoni tal-SEs ma kinux ċari biżżejjed, pereżempju għall-karti tal-lealtà. Għalhekk, l-Association Française Sans Contact Mobile ħolqot standards jew speċifikazzjonijiet ġodda bil-għan li ssolvi din il-problema (29). Dawn l-istandards jew speċifikazzjonijiet bħalissa qegħdin jiġu diskussi b'approvazzjoni pendenti minn GlobalPlatform u huma inklużi wkoll fil-proġett “Fast track” tal-GSMA.

(98)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, jista’ jiġi konkluż li l-Partijiet li Jinnotifikaw x’aktarx li mhumiex se jkunu f’pożizzjoni li joħolqu standards u speċifikazzjonijiet de facto li ebda parteċipant ieħor fis-suq ma jkun jista’ juża, biex b’hekk ikunu qegħdin jeskludu b’mod sostanzjali lill-fornituri kompetituri ta’ servizzi tal-kartieri mobbli.

Valutazzjoni tal-esklużjoni kummerċjali

Daħla

(99)

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tqis l-“esklużjoni kummerċjali” bħala strateġija li tiddependi fuq il-kapaċità u l-inċentiv tal-Partijiet li Jinnotifikaw sabiex jeskludu b’mod sostanzjali lill-fornituri rivali ta’ servizzi tal-kartieri mobbli billi jużaw mezzi kummerċjali minflok tekniċi. Għalhekk, l-esklużjoni kummerċjali hija primarjament implimentata b’mod indirett (30), pereżempju permezz ta’ negozjati ma’ partijiet terzi, bħal OEMs, sabiex tħeġġiġhom jieħdu miżuri kummerċjali li jistgħu jimblokkaw jew ifixklu lill-fornituri rivali tas-servizzi tal-kartieri mobbli, jew billi partijiet terzi bħal bejjiegħa bl-imnut indipendenti jiġu inċentivati biex iqiegħdu fis-suq telefowns ċellulari li jiġu bil-kartiera mobbli tal-JV Co minflok telefowns ċellulari li jinkludu kartieri mobbli rivali.

(100)

Il-Kummissjoni kkunsidrat jekk Parti li Tinnotifika weħidha tistax timplimenta strateġija ta’ esklużjoni kummerċjali, irrispettivament mill-istrateġiji tal-bqija tal-Partijiet li Jinnotifikaw, jew jekk fi kwalunkwe xenarju ta’ esklużjoni potenzjali, il-Partijiet li Jinnotifikaw jiddependux fuq l-implimentazzjoni konġunta (jew kollettiva) ta’ strateġija ta’ esklużjoni.

(101)

Il-Kummissjoni eżaminat il-katina tal-provvista mobbli bil-għan li tifhem jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw għandhomx il-kapaċità kummerċjali sabiex jeskludu b’mod sostanzjali lill-fornituri rivali tal-kartiera mobbli. Dawn li ġejjin huma l-parteċipanti ewlenin fil-katina tal-provvista:

(a)

L-OEMs responsabbli mill-ispeċifikazzjoni tal-ħardwer u tas-softwer tat-telefowns ċellulari li huma pprovduti lill-bejjiegħa bl-imnut;

(b)

L-iżviluppaturi tal-OS li jipprovdu softwer lill-OEMs u li spiss jistabbilixxu rekwiżiti minimi tal-ħardwer u jikkontrollaw liema applikazzjonijiet jaħdmu fuq l-OS tagħhom u/jew l-app stores prinċipali minn fejn jistgħu jitniżżlu l-applikazzjonijiet;

(c)

L-M(V)NOs bħala fornituri tal-ħin ta' attività bil-mowbajl (airtime);

(d)

Il-bejjiegħa bl-imnut ta’ telefowns ċellulari u ħin ta' attività bil-mowbajl, kemm kanali diretti ta’ bejgħ tal-M(V)NO kif ukoll bejjiegħa bl-imnut indipendenti.

(102)

Għal kull rotta ta’ esklużjoni kummerċjali, il-Kummissjoni tanalizza jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw għandhomx il-kapaċità u l-inċentiv li jinvolvu ruħhom fi strateġija konġunta ta’ esklużjoni kummerċjali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw, flimkien mal-banek, għandhomx il-kapaċità u l-inċentiv sabiex jeskludu b’mod sostanzjali s-soluzzjonijiet ta’ ħlas mhux bil-bank.

Pressjoni kummerċjali fuq l-OEMs biex ma jinstallawx jew jimblokkaw l-SE inkorporat installat minn qabel

(103)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw ikollhomx il-kapaċità u l-inċentiv li jagħmlu pressjoni kummerċjali fuq l-OEMs sabiex ma jinstallawx SE inkorporat fuq il-mudelli tat-telefowns ċellulari tagħhom, jew sabiex jimblokkaw SE inkorporat li jkun ġie installat minn qabel. Il-Kummissjoni eżaminat l-influwenza kummerċjali tal-Partijiet li Jinnotifikaw fir-rigward tat-telefowns ċellulari akkwistati mill-Partijiet li Jinnotifikaw infushom għad-distribuzzjoni permezz tal-kanali diretti ta’ bejgħ tagħhom u fir-rigward tat-telefowns ċellulari “vanilla” akkwistati minn bejjiegħa bl-imnut indipendenti.

(104)

Għadd ta’ OEMs wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tas-suq li l-MNOs xi drabi jfittxu li jixtru “varjant skont l-operatur” speċifiku ta’ telefown ċellulari partikolari mibjugħ fil-kanali tagħhom stess lill-konsumaturi. Għalhekk, xi karatteristiċi jistgħu jkunu differenti fit-telefown ċellulari tal-“varjant skont l-operatur”, skont ix-xewqat tal-MNO rigward il-karatteristiċi li għandhom jiġu appoġġjati mit-telefown ċellulari u li huma jkunu lesti jappoġġjaw bħala kontenut illowdjat minn qabel. Madankollu, dawn il-karatteristiċi (bħal SE inkorporat) sejrin ikunu disponibbli fit-telefown ċellulari “varjant vanilla” tas-suq miftuħ, li għandu jkun disponibbli għall-bejjiegħa bl-imnut indipendenti, soġġett għal ċertifikazzjoni teknika mill-MNOs. Din iċ-ċertifikazzjoni teknika tingħata mill-MNOs lit-telefowns ċellulari kollha li huma teknikament kompatibbli man-netwerk u ma tiġix affettwata minn kunsiderazzjonijiet kummerċjali. Dan huwa kkonfermat mill-fatt li t-telefowns ċellulari bl-NFC b’SE inkorporat (li jista’ jkollhom kartiera mobbli f'kompetizzjoni) diġà qegħdin jinħażnu b’mod wiesa’ mill-Partijiet li Jinnotifikaw, kif ukoll mill-bejjiegħa bl-imnut indipendenti fir-Renju Unit. Eċċezzjoni notevoli hija l-kumpanija Apple, li ma toffrix “varjanti skont l-operatur”.

(105)

Fuq din il-bażi, fit-teorija, il-Partijiet li Jinnotifikaw jistgħu jitolbu lill-OEMs sabiex ineħħu jew jimblokkaw l-SE inkorporat u installat minn qabel minn fuq it-telefowns ċellulari akkwistati għall-mezz tal-bejgħ dirett bid-ditta tagħhom stess għall-konsumaturi. Madankollu, il-fornituri tal-OS jew l-OEMs integrati bis-sħiħ b'mod vertikali jistgħu iħaddmu kontrostrateġiji kontra tentattiv ta’ esklużjoni bħal dan. Il-fornituri tal-OS jiġu involuti ħafna aktar kmieni mill-MNOs fil-proċess tal-iżvilupp ta’ telefown ċellulari u dan jillimita l-firxa tal-influwenza tal-Partijiet li Jinnotifikaw fuq l-ispeċifikazzjonijiet tat-telefowns ċellulari meta mqabbla mal-fornituri tal-OS. Fornitur tal-OS li jantiċipa kwalunkwe talba bħal din mill-Partijiet li Jinnotifikaw jista’ jipprova jinfluwenza l-ispeċifikazzjonijiet tat-telefowns ċellulari tal-OEMs minn kmieni billi jistabbilixxi b'mod obbligatorju li kwalunkwe telefown ċellulari bid-ditta tal-OS ikollu SE inkorporat imħaddem fuq it-telefown ċellulari. Dan ikun il-każ partikolari għal Google, li l-kontroll tagħha fuq Android jagħtiha pożizzjoni b’saħħitha fin-negozjati possibbli mal-OEMs (31). Il-pożizzjoni ta’ Google fis-suq għall-forniment ta’ telefowns ċellulari qiegħda ssir dejjem aktar importanti, minħabba li s-sehem tal-bejgħ ta’ telefowns ċellulari li jużaw Android kiber b’mod notevoli maż-żmien. Fil-perjodu bejn l-2010 u l-2011, it-telefowns ċellulari Android fir-Renju Unit żiedu s-sehem tagħhom minn taħt il-5 % għal madwar 40 %. L-OEMs integrati b’mod kompletament vertikali li joffru kartiera rivali fuq SE inkorporat jistgħu jiżguraw ukoll li l-ħardwer tat-telefown ċellulari kien kompatibbli bis-sħiħ mal-operazzjoni tal-kartiera mobbli tagħhom (32).

(106)

Barra minn hekk, f’kull każ, kwalunkwe kapaċità sabiex jeskludu b’mod kummerċjali permezz tal-imblokkar jew id-diżattivazzjoni tal-SE inkorporat tkun limitata fil-kamp ta' applikazzjoni, u tkun tal-inqas parzjalment ineffettiva. Il-kapaċità kummerċjali tal-Partijiet li Jinnotifikaw sabiex jimblokkaw jew jiddiżattivaw l-SEs inkorporati li jiġu installati minn qabel twassal biss għal esklużjoni parzjali ta’ kartieri mobbli rivali minħabba li l-Partijiet li Jinnotifikaw ma jkollhomx il-kapaċità u l-inċentivi li jeskludu b’mod sostanzjali l-kanal indirett għall-konsumaturi, jew sabiex jeskludu kartieri li jinstabu fuq telefowns ċellulari ta' Apple, f’każ li Apple tiddeċiedi li tidħol fis-suq. Il-bejjiegħa bl-imnut indipendenti għandhom pożizzjoni b’saħħitha fis-suq li tasal sa 49 % mis-sehem tas-suq u 41 % tan-numru ta’ ħwienet fil-livell tal-konsumaturi fir-Renju Unit. Skont ir-Rapport ta’ Mintel (33), Phones 4U u Carphone Warehouse flimkien għandhom 1 258 ħanut. Dan jista' jitqabbel ma’ Everything Everywhere b’672 ħanut, Telefónica b’450 ħanut u Vodafone bi 365 ħanut. Three UK għandha 300 ħanut ieħor fir-Renju Unit.

(107)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kapaċità kummerċjali tal-Partijiet li Jinnotifikaw li jeskludu b’mod sostanzjali billi jeżerċitaw pressjoni kummerċjali fuq l-OEMs sabiex jimblokkaw jew jiddiżattivaw l-SE inkorporat li jkun ġie installat minn qabel ma twassalx għal iktar minn esklużjoni parzjali (minbarra t-telefowns ċellulari tal-Apple u l-bejjiegħa bl-imnut indiretti). Barra minn hekk, dan jista’ jfalli għal kollox jekk il-fornituri tal-OS ikunu kapaċi jimplimentaw kontrostrateġiji effettivi li jipprevjenu lill-Partijiet li Jinnotifikaw milli jimblokkaw it-tħaddim tal-SEs inkorporati.

(108)

Il-fatt li strateġija ta’ esklużjoni kummerċjali bbażata fuq in-nuqqas ta’ installazzjoni jew fuq l-imblokkar ta’ SEs inkorporati twassal biss għal esklużjoni parzjali jillimita b’mod konsiderevoli l-effettività u – anki jekk jintużaw – inaqqas b’mod notevoli l-inċentivi għall-involviment fi strateġija bħal din, peress li l-profitti miżjuda mill-esklużjoni jkunu limitati. Dan isib appoġġ mill-asimmetrija qawwija li teżisti bejn il-profitti mistennija tal-JV Co u l-profitti fis-suq tat-telefonija mobbli għall-konsumaturi, kif enfasizzat mill-Partijiet li Jinnotifikaw. B’mod partikolari, il-profitti gross għall-attivitajiet tat-telefonija mobbli għall-konsumaturi tal-Partijiet li Jinnotifikaw (inklużi l-profitti tal-interkonnessjoni u l-ispejjeż netti tal-akkwisti mill-klijenti) huma bejn wieħed u ieħor madwar […]* darba ogħla mill-profitti mistennija tal-JV Co wara l-perjodu inizjali tagħha ta’ żieda fil-produzzjoni (34).

(109)

Barra minn hekk, il-Partijiet li Jinnotifikaw urew ukoll li l-kondizzjonijiet kompetittivi fis-swieq għar-reklamar u fis-swieq analitiċi tad-dejta jvarjaw b’mod notevoli minn dawk fis-suq tal-kartieri mobbli għall-operaturi. Barra minn hekk, id-dħul u l-profitti għal dawn iż-żewġ attivitajiet mhumiex marbuta direttament mal-attivitajiet ta’ Tranżazzjoni tal-JV Co, u jiġux affettwati direttament minn strateġija li teskludi lill-operaturi rivali tal-kartiera mobbli.

(110)

Minbarra dan, reazzjoni avversa mill-konsumaturi għall-indeboliment tal-offerti rivali ta’ kartiera mobbli tirrappreżenta l-mekkaniżmu primarju li permezz tiegħu l-esklużjoni kummerċjali twassal għal telf fis-suq tat-telefonija mobbli tal-konsumaturi. Barra dan, il-kompetituri jistgħu jħaddmu kontrostrateġiji mmirati biex iżidu r-reazzjoni avversa mill-konsumaturi. Dawn il-kontrostrateġiji jixħtu dawl tajjeb fuq il-kartieri mobbli rivali f'għajnejn il-klijenti, sabiex b’hekk tiżdied l-ispiża tal-esklużjoni.

(111)

Meħuda flimkien, dawn il-fatturi jfissru li l-esklużjoni kummerċjali tkun marbuta ma’ inċentivi importanti għal kwalunkwe Parti li Tinnotifika sabiex tmur lil hinn mill-imġiba, sabiex b’hekk tiġi evitata kwalunkwe reazzjoni avversa mill-konsumaturi għall-indeboliment tal-offerta tal-mowbajls tagħhom u sabiex dik il-Parti li Tinnotifika tikseb vantaġġ fuq il-Partijiet li Jinnotifikaw l-oħrajn li jinvolvu ruħhom fl-esklużjoni. Kwalunkwe Parti li Tinnotifika li tmur lil hinn mill-esklużjoni tevita wkoll telf fis-sehem mis-suq għall-M(V)NOs barra l-JV Co.

(112)

B’mod ġenerali, jidher li huwa ferm probabbli li tal-inqas waħda mill-Partijiet li Jinnotifikaw ikollha inċentiv unilaterali sabiex tmur lil hinn minn kwalunkwe strateġija konġunta ta’ esklużjoni kummerċjali msejsa fuq l-eżerċitar ta’ pressjoni fuq l-OEMs sabiex jimblokkaw l-SE inkorporat u installat minn qabel. Dan ixekkel strateġija konġunta ta’ esklużjoni kummerċjali.

(113)

Fir-rigward ta’ strateġija konġunta ta’ esklużjoni bbażata fuq il-koordinazzjoni taċita u kontinwa bejn il-Partijiet li Jinnotifikaw, mhuwiex probabbli li jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha stipulati fis-sentenza tal-Airtours  (35) fil-każ ta’ esklużjoni kummerċjali.

(114)

L-ewwel nett, esklużjoni kummerċjali kkoordinata tkun kumplessa biex tiġi implimentata minħabba li tiddependi fuq l-eżitu tan-negozjati bilaterali bejn kull Parti li Tinnotifika u partijiet terzi, li huma kunfidenzjali u li jiddependu fuq is-setgħa ta' negozjar ta’ kull parti fin-negozjati.

(115)

It-tieni, esklużjoni kkoordinata tista’ ma tkunx internament stabbli, peress li l-qligħ unilaterali mid-devjazzjoni jista' jaqbeż l-ispiża tas-sanzjoni wara l-falliment tal-eżitu kkoordinat. Minħabba l-asimmetrija notevoli li teżisti bejn il-profitti fit-telefonija mobbli għall-konsumaturi u l-profitti mistennija tal-JV Co fl-attivitajiet ta’ Tranżazzjoni, it-theddida tas-sanzjoni tista’ ma tkunx biżżejjed sabiex tegħleb l-inċentiv għal devjazzjoni. Minbarra dan, id-devjazzjonijiet mill-koordinazzjoni x’aktarx jiġu identifikati biss wara ċertu dewmien f’dan is-suq, peress li n-negozjati kummerċjali huma kunfidenzjali u devjazzjoni tista’ tiġi identifikta biss ladarba t-telefown ċellulari jidħol fis-suq. Dan għandu jkompli jdgħajjef l-effettività ta’ kwalunkwe mekkaniżmu ta’ sanzjonar, u b'hekk issir saħansitra aktar diffiċli biex jiġi sostnut ftehim kollużiv.

(116)

B’mod ġenerali, fuq il-bażi tal-analiżi li saret hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa ferm improbabbli li l-Partijiet li Jinnotifikaw ikollhom l-abbiltà u l-inċentiv li jħaddmu strateġija konġunta ta’ esklużjoni li tinvolvi l-eżerċitar ta’ pressjoni kummerċjali fuq l-OEMs sabiex jimblokkaw l-SE inkorporat li jkun ġie installat minn qabel u li jista’ jappoġġja kartiera mobbli rivali.

Influwenza fuq l-iżviluppaturi tal-OS jew fuq l-OEMs sabiex jimblokkaw l-applikazzjonijiet tal-kartiera mobbli

(117)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw ikollhomx il-kapaċità u l-inċentiv sabiex jinfluwenzaw lill-iżviluppaturi tal-OS jew lill-OEMs sabiex jimblokkaw l-illowdjar minn qabel ta’, jew ineħħu, l-applikazzjonijiet tal-kartiera mobbli minn fuq it-telefowns ċellulari.

(118)

Numru fost dawk li wieġbu għall-mistoqsijiet imqajma matul l-investigazzjoni tas-suq xeħtu dawl fuq l-importanza tal-illowdjar minn qabel ta’ applikazzjoni u osservaw li l-Partijiet li Jinnotifikaw jistgħu jinfluwenzaw fejn titqiegħed applikazzjoni speċifika fuq l-iskrins tat-telefowns ċellulari “varjanti skont l-operatur” tagħhom.

(119)

Madankollu, il-fornituri tal-kartieri mobbli rivali ser ikunu jistgħu jieħdu kontromiżuri, billi jippromwovu t-tqegħid tal-kartieri mobbli tagħhom f’post prominenti fl-app store. Barra minn hekk, il-fornituri tal-OS jistgħu wkoll jorbtu l-applikazzjoni tal-kartiera mobbli mal-OS sakemm isiru talbiet lill-OEMs. B’mod partikolari, kontrostrateġija bħal din tista’ tiġi implimentata minn Google, li, pereżempju, għandha l-kapaċità li tinfluwenza l-għażliet tas-softwer permezz tal-ftehimiet dwar id-distribuzzjoni tal-applikazzjonijiet tal-mowbajl li għandha mal-OEMs, li jistipulaw liema mill-applikazzjonijiet mobbli ta’ Google jiġu llowdjati minn qabel fuq telefown ċellulari. L-effettività potenzjali ta’ strateġija bħal din hija riflessa wkoll fl-influwenza li Google għandha bħalissa fuq is-suq mobbli tal-OS.

(120)

B’mod ġenerali, minħabba l-effettività limitata tal-esklużjoni kummerċjali bbażata fuq il-pressjoni li ssir fuq l-OEMs sabiex ma jinstallawx jew sabiex jimblokkaw l-SE inkorporat li jkun ġie installat minn qabel u s-saħħa tal-kontrostrateġiji minn fornituri tal-kartieri mobbli rivali, huwa improbabbli li l-Partijiet li Jinnotifikaw ikollhom il-kapaċità kummerċjali sabiex jeskludu b’mod sostanzjali billi jimblokkaw l-applikazzjonijiet tal-kartieri mobbli rivali.

(121)

Il-maġġoranza tal-argumenti dwar inċentivi li japplikaw għall-ewwel strateġija ta’ esklużjoni kummerċjali diskussa fit-taqsima dwar l-esklużjoni permezz ta’ pressjoni fuq l-OEMs sabiex ma jinstallawx jew sabiex jimblokkaw l-SE inkorporat li jkun ġie installat minn qabel japplikaw ukoll għal strateġija kummerċjali bbażata fuq l-influwenzar tal-iżviluppaturi ta' OS jew tal-OEMs sabiex jimblokkaw il-kartieri mobbli.

(122)

B’mod ġenerali, fuq il-bażi tal-analiżi li saret hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa ferm improbabbli li l-Partijiet li Jinnotifikaw ikollhom il-kapaċità u l-inċentiv li jħaddmu strateġija konġunta ta’ esklużjoni li tkun ibbażata fuq l-influwenzar tal-iżviluppaturi ta' OS jew tal-OEMs sabiex jimblokkaw jew ineħħu l-applikazzjonijiet tal-kartiera mobbli.

Żvantaġġar jew tneħħija mill-elenkar ta’ telefowns ċellulari li fihom kartieri mobbli rivali

(123)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw ikollhomx il-kapaċità jew l-inċentiv sabiex jiżvantaġġaw jew ineħħu mill-elenkar telefons mobbli li kapaċi jħaddmu kartieri mobbli rivali.

(124)

Peress li t-telefowns ċellulari mneħħija jew żvantaġġati li jista’ jkun fihom kartieri mobbli rivali ser ikollhom rotta alternattiva għas-suq permezz tal-bejjiegħa bl-imnut indipendenti, l-MNOs li jneħħu jew jiżvantaġġaw it-telefowns ċellulari li fihom kartieri mobbli rivali fin-netwerk tagħhom fil-livell tal-konsumaturi sejrin jeskludu s-suq b'mod parzjali biss. Barra minn hekk, strateġija bħal din ser tinvolvi spiża kummerċjali għolja. Il-kompetituri jistgħu jħaddmu kontrostrateġiji li jsebbħu l-kartieri mobbli rivali attraenti f'għajnejn il-klijenti u li jżidu l-ispiża tal-esklużjoni.

(125)

It-tneħħija mill-elenkar tat-telefowns ċellulari li fihom kartieri mobbli rivali timplika li dawn it-telefowns ċellulari mhumiex ser jinħażnu aktar fil-mezz tal-bejgħ bl-imnut dirett ikkontrollat mill-Partijiet li Jinnotifikaw. L-iżvantaġġar tat-telefowns ċellulari li fihom kartieri mobbli rivali jkun forma aktar sottili ta’ esklużjoni bbażata fuq it-tnaqqis tas-sussidji mħallsa fuq it-tali telefowns ċellulari fil-mezz tal-bejgħ bl-imnut dirett ikkontrollat mill-Partijiet li Jinnotifikaw.

(126)

Il-maġġoranza tal-argumenti dwar l-inċentivi li saru fit-taqsima li tiddiskuti strateġija ta’ esklużjoni bbażata fuq l-eżerċitar ta’ pressjoni kummerċjali fuq l-OEMs sabiex ma jinstallawx jew sabiex jimblokkaw l-SE inkorporat li jkun ġie installat minn qabel japplikaw ukoll għal strateġija ta’ esklużjoni kummerċjali bbażata fuq l-iżvantaġġar jew it-tneħħija mill-elenkar tat-telefowns ċellulari.

(127)

Fid-dawl tal-analiżi li saret hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa ferm improbabbli li l-Partijiet li Jinnotifikaw ikollhom il-kapaċità u l-inċentiv li jħaddmu strateġija konġunta ta’ esklużjoni bbażata fuq l-iżvantaġġar jew it-tneħħija tat-telefowns ċellulari.

L-għoti ta’ inċentivi lil bejjiegħa bl-imnut indipendenti sabiex idaħħlu fis-suq telefowns ċellulari li ma jkunx fihom kartieri mobbli rivali jew sabiex jistabbilixxu ċertu ssettjar predefinit li jiffavorixxi l-kartieri mobbli tal-Partijiet li Jinnotifikaw

(128)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw ikollhomx il-kapaċità u l-inċentiv li jipperswadu lil bejjiegħa bl-imnut indipendenti biex idaħħlu fis-suq telefowns ċellulari li ma jkunx fihom kartieri mobbli rivali jew biex jistabbilixxu ċertu ssettjar predefinit li jiffavorixxi l-kartiera mobbli tal-Partijiet li Jinnotifikaw.

(129)

Sabiex jiġi segwit approċċ kajman fir-rigward ta’ strateġija ta’ esklużjoni kummerċjali bbażata fuq l-għoti ta’ inċentivi lil bejjiegħa bl-imnut indipendenti sabiex idaħħlu fis-suq telefowns ċellulari li ma jkunx fihom kartieri mobbli rivali jew sabiex jistabbilixxu ċertu ssettjar predefinit li jiffavorixxi l-kartiera mobbli tal-Partijiet li Jinnotifikaw, il-Kummissjoni tivvaluta din l-istrateġija ta’ esklużjoni kummerċjali flimkien ma’ waħda mit-tliet strateġiji diskussi aktar ’il fuq (l-esklużjoni tal-kanal tal-bejgħ bl-imnut dirett ikkontrollat mill-Partijiet li Jinnotifikaw).

(130)

Kuntrarju għall-każ tal-istrateġiji ta’ esklużjoni li huma mmirati għall-kanal tal-bejgħ bl-imnut dirett, il-Partijiet li Jinnotifikaw ikollhom kapaċità aktar ristretta sabiex jeskludu b’mod kummerċjali lill-kompetituri tagħhom permezz tal-għoti ta’ inċentivi lil bejjiegħa bl-imnut indipendenti. Filwaqt li l-Partijiet li Jinnotifikaw jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jinċentivaw lil bejjiegħa bl-imnut indipendenti minħabba li huma diġà jagħtuhom kummissjonijiet u […]* sussidji (anki jekk dawn ċertament għandhom it-tendenza li ma jkunux speċifiċi għat-telefowns ċellulari), l-OEMs u l-fornituri tal-OS jagħtu wkoll sussidji selettivi ta’ kummerċjalizzazzjoni lil bejjiegħa bl-imnut indipendenti u jistgħu jħaddmu kontrostrateġija parallela sabiex jinċentivaw il-bejgħ ta’ telefowns ċellulari li fihom kartiera mobbli rivali fis-suq miftuħ. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li min potenzjalment jidħol fis-suq tal-kartieri mobbli jista’ jinvolvi ruħu fi ftehimiet ta’ qsim tad-dħul mal-OEMs sabiex jiżgura li t-telefowns ċellulari jkunu mgħammra b’SEs inkorporati. Marġinalment, mhijiex ċara r-raġuni li għaliha l-Partijiet li Jinnotifikaw jaffaċċjaw inċentiv akbar mill-OEMs jew mill-fornituri ta' OS sabiex jissussidjaw telefowns ċellulari speċifiċi bil-għan li jeskludu s-suq tal-kartieri mobbli.

(131)

Għalhekk, filwaqt li l-Partijiet li Jinnotifikaw għandhom ċerta kapaċità kummerċjali sabiex jinċentivaw lil bejjiegħa bl-imnut indipendenti sabiex ipoġġu fis-suq telefowns ċellulari li ma jkunx fihom kartieri mobbli rivali jew sabiex jistabbilixxu ċertu ssettjar predefinit li jiffavorixxi l-kartiera mobbli tal-Partijiet li Jinnotifikaw, l-effettività ta’ strateġija bħal din tista’ tiġi ristretta b’mod notevoli permezz ta' kontrostrateġiji simili minn partijiet terzi.

(132)

Uħud mill-argumenti dwar l-inċentivi li saru fit-taqsimiet preċedenti li jiddiskutu l-istrateġiji l-oħrajn ta’ esklużjoni kummerċjali japplikaw ukoll għal strateġija ta’ esklużjoni kummerċjali bbażata fuq l-għoti ta’ inċentivi lil bejjiegħa bl-imnut indipendenti sabiex idaħħlu fis-suq telefowns ċellulari li ma fihomx kartieri mobbli rivali jew ibbażata fuq l-istabbiliment ta’ ċertu ssettjar predefinit li jiffavorixxi l-kartieri mobbli tal-Partijiet li Jinnotifikaw.

(133)

Sabiex tinkiseb esklużjoni effettiva tal-offerti kompetittivi fil-kanal tal-bejgħ bl-imnut indirett, il-Partijiet li Jinnotifikaw għandhom iġarrbu spejjeż notevoli sabiex jagħmlu offerti ogħla lill-OEMs jew lill-fornituri ta' OS bil-għan li jiksbu appoġġ mir-ridistributuri indipendenti. Min-naħa tiegħu, dan għandu jżid l-ispiża tal-esklużjoni b’mod konsiderevoli, u b'hekk jissaħħu għal darba oħra l-inċentivi unilaterali sabiex dawk ikkonċernati jmorru lil hinn minn din l-istrateġija ta’ esklużjoni kummerċjali. Għalhekk, huwa improbabbli li strateġija bbażata fuq esklużjoni permezz tal-għoti ta’ inċentivi lil bejjiegħa bl-imnut sabiex idaħħlu fis-suq telefowns ċellulari li fihomx kartieri mobbli rivali jew sabiex jistabbilixxu ċertu ssettjar predefinit li jiffavorixxi l-kartieri mobbli tal-Partijiet li Jinnotifikaw twassal għall-esklużjoni tal-kanal tal-bejgħ bl-imnut indirett.

L-esklużjoni potenzjali ta’ soluzzjonijiet ta’ ħlas mhux bil-bank

(134)

Il-Kummissjoni tqis li l-JV Co ma hija ser tibdel xejn fir-rigward tal-kapaċità u l-inċentivi tal-banek sabiex jiżvantaġġjaw is-sistemi ta' ħlas mhux bil-bank bħala riżultat tal-ħolqien tal-JV Co, xenarju relattiv għal wieħed li fih kull Azzjonist joffri l-kartiera mobbli tiegħu stess, peress li l-banek mhumiex azzjonisti fl-operazzjoni.

(135)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li huwa ferm improbabbli li l-banek u l-MNOs ikunu allinjaw inċentivi sabiex jeskludu b’mod sostanzjali lis-sistemi ta’ ħlas mhux bil-bank.

Konklużjoni ġenerali

(136)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li huwa improbabbli li l-Partijiet li Jinnotifikaw għandhom il-kapaċità jew l-inċentiv sabiex jinvolvu ruħhom f’esklużjoni kummerċjali.

Servizzi ta’ SMS bl-ingrossa

(137)

Il-JV Co sejra tkun attiva wkoll bħala aggregatur fis-suq għall-SMS bl-ingrossa għall-konsumaturi billi tixtri servizzi ta’ oriġini u terminazzjoni mill-MNOs fis-suq għas-servizzi ta’ SMS bl-ingrossa għall-operaturi fir-Renju Unit.

(138)

Is-suq upstream għall-kunsinna ta’ SMS bl-ingrossa għall-operaturi jikkonsisti f'żewġ elementi: it-twassil tal-messaġġ mill-speditur (jiġifieri l-JV Co jew aggregatur) lin-netwerk mobbli li għalih ikun abbona r-riċevitur (in-netwerk ta’ oriġini) u t-twassil min-netwerk ta’ oriġini għat-telefown ċellulari tar-riċevitur.

(139)

Il-kunsinna ta’ SMS bl-ingrossa għall-operaturi tista’ tiġi pprovduta biss mill-MNOs u fil-fatt hija pprovduta mill-MNOs kollha fir-Renju Unit fuq bażi kompetittiva. L-aggregaturi tipikament jidħlu f'kuntratt ma' MNO wieħed għall-kunsinna tal-messaġġi b'SMS bl-ingrossa kollha tagħhom, irrispettivament min-netwerk ta’ oriġini tar-riċevituri individwali tal-messaġġi. L-MNOs jistgħu joffru dan is-servizz, li jinkludi kemm kunsinna on-net kif ukoll off-net, minħabba l-arranġamenti sottostanti ta’ interkonnessjoni li hemm fis-seħħ bejn l-MNOs għall-iskambju ta’ messaġġi b’SMS.

(140)

L-aggregazzjoni teħtieġ kompjuter mgħammar b’softwer għall-messaġġi ta’ oriġini u konnessjoni ma' MNO wieħed konness globalment li jista’ jidderieġi messaġġi b’SMS lejn kwalunkwe destinazzjoni permezz tal-arranġamenti sottostanti ta’ interkonnessjoni ta’ dak l-operatur ma’ MNOs oħrajn. Normalment, l-aggregaturi li jiġġeneraw biżżejjed volumi ta’ messaġġi lejn netwerk partikolari sabiex jiġġustifikaw l-investiment jistabbilixxu l-arranġamenti ta’ interkonnessjoni tagħhom stess ma’ netwerks individwali biex jintbagħtu messaġġi lil (u minn) abbonati tal-mowbajl f’dak in-netwerk.

(141)

Il-Kummissjoni vvalutat jekk il-pożizzjoni kkombinata tal-Partijiet li Jinnotifikaw fis-suq upstream tal-konsumaturi għall-SMS bl-ingrossa tistax twassal għal esklużjoni sostanzjali tal-aggregaturi tal-SMS bl-ingrossa li jikkompetu mal-JV Co fis-suq tal-SMS bl-ingrossa tal-konsumaturi billi jirrifjutaw li jitterminaw l-SMS bl-ingrossa li jiġu minn aggregaturi f'kompetizzjoni fin-netwerks rispettivi tagħhom jew billi joffru rati ta’ terminazzjoni ogħla lill-kompetituri tal-JV Co. Il-maġġoranza vasta ta’ dawk li wieġbu jqisu li l-Partijiet li Jinnotifikaw ikomplu jfornuhom bit-terminazzjoni tas-servizzi ta’ SMS bl-ingrossa.

(142)

Fid-dawl tal-investigazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni tqis li huwa improbabbli li l-Partijiet li Jinnotifikaw ikollhom il-kapaċità li jiddiskriminaw bejn l-SMSs bl-ingrossa mibgħuta mill-JV Co u dawk li jintbagħtu mill-kompetituri tagħhom u li għandhom jiġu tterminati fuq in-netwerks tagħhom; għalhekk, mhuwiex probabbli li l-Partijiet li Jinnotifikaw jinvolvu ruħhom fl-esklużjoni.

(143)

Barra minn hekk, ser ikun diffiċli li tintlaħaq esklużjoni kkoordinata. B’mod partikolari, minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza fis-suq tal-operaturi u s-sehem tas-suq li qiegħed jinbidel b’mod mgħaġġel, il-Partijiet li Jinnotifikaw ser ikollhom biss kapaċità limitata ħafna biex jilħqu ftehim dwar l-istrateġija ta’ esklużjoni.

(144)

Fl-aħħar nett, huwa improbabbli li l-operazzjoni toħloq xkiel notevoli għall-kompetizzjoni effettiva fi kwalunkwe wieħed mis-swieq relatati mal-attivitajiet ta’ SMS bl-ingrossa tal-JV Co.

4.3.   Effetti mhux orizzontali – effetti konglomerati

(145)

Il-Kummissjoni analizzat kemm huwa importanti għal M(V)NO kompetitur li jkun jista’ joffri kartiera mobbli sabiex jibqa’ kompetitur kredibbli fis-suq tat-telefonija mobbli tal-konsumaturi.

(146)

Maġġoranza ta' dawk li wieġbu għall-investigazzjoni tas-suq jistennew li, tal-inqas fuq perjodu ta’ żmien qasir, il-preżenza tal-kartieri mobbli mhijiex ser tkun fattur prinċipali li jagħmel id-differenza għall-konsumaturi meta jiġu biex jagħżlu telefown ċellulari jew kuntratt ta’ ħin ta' attività bil-mowbajl ma’ MNO.

(147)

Barra minn hekk, anki li kieku l-kapaċità li kumpanija toffri kartiera mobbli kellha ssir fattur obbligatorju u fundamentali – argument ferm sostnut minn Three UK (36) – huwa probabbli li Three UK tkun f’pożizzjoni li toffri s-servizzi tal-kartieri mobbli lill-klijenti, filwaqt li possibbilment tissieħeb ma’ partijiet terzi bħal Google jew istituzzjonijiet finanzjarji.

(148)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa konkluż li x’aktarx ma jitqajjem ebda tħassib relatat mal-kompetizzjoni mill-effetti konglomerati miġjuba mill-ħolqien tal-JV Co.

4.4.   Effetti orizzontali

(149)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk l-operazzjoni hijiex ser tqajjem tħassib għall-kompetizzjoni orizzontali. Il-valutazzjoni f’din it-taqsima hija maqsuma f’żewġ partijiet, li huma ddedikati rispettivament għas-suq għall-provvista tal-operaturi ta’ servizzi ta’ pjattaforma ta’ kartiera mobbli u għas-swieq għall-provvista ta’ servizzi ta’ reklamar mobbli u analiżi tad-dejta. L-aktar effett dirett tal-fużjoni sejjer ikun it-telf tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi f'fużjoni.

Il-provvista tal-operaturi ta’ servizzi ta’ pjattaforma ta’ kartiera mobbli u ta’ ħażna sikura

(150)

Il-JV Co sejra tkun kumpanija ġdida fis-suq innovattiv għall-provvista tal-operaturi ta’ servizzi ta’ pjattaforma ta’ kartiera mobbli. Il-Partijiet li Jinnotifikaw jew għadhom jidħlu ġodda fis-suq (pereżempju l-prodott Quicktap ta' Orange/Barclaycard u l-kartiera ta' Telefónica O2) jew inkella ser jidħlu potenzjalment fis-suq. Jew daħlu ġodda fis-suq jew inkella potenzjalment se jidħlu fis-suq possibbli għall-ħażna sikura.

(151)

Il-Kummissjoni investigat dawn l-ostakli għad-dħul f’dan is-suq ġdid għal servizzi ta’ pjattaforma ta’ kartiera mobbli u għal ħażna sikura. Diġà tħabbru numru ta’ inizjattivi f’numru ta’ pajjiżi. Barra minn hekk, diġà tnedew numru ta’ inizjattivi fir-Renju Unit. Dawk li potenzjalment se jidħlu ġodda huma banek u istituzzjonijiet finanzjarji, MNOs/MVNOs oħrajn (notevolment Three UK) u atturi online jew ta' OTT bħal Google u PayPal. Il-Kummissjoni tqis li Apple aktarx li tidħol ukoll jekk il-kondizzjonijiet tas-suq ikunu favorevoli. Minbarra l-SE bbażat fuq SIM card, l-aċċess ikun disponibbli wkoll għall-SEs inkorporati, kif ukoll għall-SEs inklużi f’ħardwer addizzjonali (stickers, tags, eċċ.). Kif ġie deskritt aktar ’il fuq fit-taqsimiet dwar l-effetti vertikali u konglomerati, il-Partijiet li Jinnotifikaw la ser ikollhom il-kapaċità u lanqas l-inċentiv sabiex jeskludu b’mod sostanzjali lil dawk li jidħlu ġodda f’dan is-suq. Dan jimplika li l-Partijiet li Jinnotifikaw mhux ser ikunu jistgħu jxekklu d-dħul fis-suq downstream għall-kartieri mobbli għall-konsumaturi.

(152)

Fuq il-bażi ta’ dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-operazzjoni mhux mistennija ġġib xkiel notevoli għall-kompetizzjoni effettiva, peress li l-JV Co tkun qed tiffaċċja kompetizzjoni minn firxa ta’ parteċipanti oħrajn fis-suq. Għalhekk, anki jekk l-operazzjoni telimina l-kompetizzjoni potenzjali bejn il-Partijiet li Jinnotifikaw, huwa improbabbli li din ixxekkel b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva peress li mhux ser tkun tista’ twaqqaf lil impriżi importanti (pereżempju Google, Apple) milli jidħlu f’dan is-suq ġdid u jikkompetu b’mod effettiv mal-JV Co.

Servizzi ta' analiżi tad-dejta

(153)

Bħalissa, l-ebda waħda mill-Partijiet li Jinnotifikaw ma hija individwalment attiva fil-forniment ta’ servizzi ta' analiżi tad-dejta fir-rigward tas-servizzi ta’ reklamar online u offline u s-servizzi ta’ Tranżazzjonijiet. Il-JV Co sejra tkun attiva fil-forniment ta’ servizzi ta' analiżi tad-dejta fir-Renju Unit fir-rigward tat-tranżazzjonijiet u r-reklamar online u offline, billi tipprovdi analiżi tar-rapportar, analiżi tal-iżvilupp tan-negozju u analiżi tal-lealtà.

(154)

Il-JV Co sejra tipprovdi elementi tat-tliet tipi kollha ta’ servizzi ta’ analiżi tad-dejta. Madankollu, il-JV Co mhux ser tkun qiegħda tipprovdi s-softwer tal-analiżi tad-dejta (37), iżda sejra tipprovdi xi analiżi tax-xejriet tal-internet ipprovduti wkoll minn dawn il-kumpaniji. B'mod simili, il-JV Co mhux ser tkun qiegħda tbiegħ dejta pura (kif jagħmlu BlueKai jew Experian), iżda minflok ser tkun qiegħda tbiegħ l-informazzjoni prodotta mill-applikazzjoni tas-servizzi analitiċi.

(155)

Madankollu, fil-parti l-kbria tagħha l-informazzjoni disponibbli għall-JV Co hija disponibbli wkoll għall-parteċipanti eżistenti u ġodda fis-suq bħal Google, Apple, Facebook, l-emittenti tal-karti, l-aġenziji ta’ referenza jew il-bejjiegħa bl-imnut (38). Barra minn hekk, jeżistu metodi oħrajn sabiex jintlaħqu numri kbar ta’ konsumaturi, bħal pereżempju fornituri tal-utilitajiet (kważi l-konsumaturi kollha jużaw fornituri tal-utilitajiet). Barra minn hekk, huwa rikonoxxut ukoll li xi kumpaniji oħrajn, bħal RIM, ikollhom aċċess għal ammont simili ta’ dejta mit-telefown ċellulari, bħall-JV Co.

(156)

Il-Kummissjoni vvalutat ukoll jekk fin-nuqqas tal-operazzjoni, il-Partijiet li Jinnotifikaw ikunux jistgħu jipprovdu s-servizzi ta’ analiżi tad-dejta (mobbli) b'mod individwali. Il-maġġoranza vasta ta’ dawk li wieġbu qiesu li dan huwa possibbli. Minkejja dan, ħafna minn dawk li wieġbu għall-investigazzjoni tas-suq iqisu li jkun aktar effiċjenti jekk il-JV Co sservi bħala punt uniku ta’ servizz u li, peress li l-analiżi tad-dejta mhijiex negozju prinċipali għalihom, l-investiment ma kienx ikun iġġustifikat sabiex dan is-servizz jiġi pprovdut waħdu.

(157)

Fid-dawl tal-informazzjoni kollha disponibbli, il-Kummissjoni tikkonkludi li, fis-swieq sekondarji kollha possibbli, il-JV Co tabilħaqq tkun tista’ tiġbor firxa wiesgħa ta’ informazzjoni dwar il-konsumaturi, li ser tkun siewja ħafna għas-servizzi ta’ analiżi tad-dejta (mobbli) u għas-servizzi ta’ reklamar tagħha. Madankollu, ħafna atturi stabbiliti u b’saħħithom oħrajn huma kapaċi wkoll joffru soluzzjonijiet komparabbli lill-JV Co. Għalhekk, fornituri oħrajn ta’ servizzi ta’ reklamar li jikkompetu mal-JV Co ma jiġux esklużi minn kontribut essenzjali, filwaqt li l-ħolqien tal-JV Co ma jkollux effett negattiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq għall-analiżi tad-dejta (mobbli), kif ukoll għas-servizzi ta’ riċerka dwar is-suq jew għas-servizzi ta’ informazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni. Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw setgħux jidħlu fis-suq individwalment fin-nuqqas tal-operat tista’ titħalla miftuħa.

(158)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, l-operazzjoni mhux mistennija xxekkel b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva fi kwalunkwe wieħed mis-swieq possibbli marbutin mal-attivitajiet ta’ analiżi tad-dejta tal-JV Co.

Servizzi ta’ reklamar

(159)

Il-JV Co sejra taġixxi bħala intermedjarju ta’ reklamar li joffri firxa ta’ servizzi ta’ reklamar, fost l-oħrajn: reklamar mhux għal tfittxija (fuq MNOs jew MVNOs li jipparteċipaw fil-JV Co u f’inventarji ta’ pajjiżi terzi), push SMS, SMS bl-ingrossa intelliġenti u pull messaging (kupuni u vawċers).

(160)

Il-Kummissjoni vvalutat l-effetti tal-ħolqien tal-JV Co fuq is-suq għall-intermedjazzjoni ta’ reklamar mobbli u s-swieq sekondarji possibbli kollha. Ħafna servizzi għadhom fil-bidu tagħhom, anki jekk huwa mistenni żvilupp notevoli mill-analisti fil-futur qrib (39).

(161)

Bħalissa, l-ebda waħda mill-Partijiet li Jinnotifikaw ma hija involuta b'mod separat f’servizzi ta’ intermedjazzjoni għal kwalunkwe forma ta’ reklamar diġitali. Bħalissa, kull waħda minnhom hija involuta biss fil-bejgħ tal-inventarju tagħha stess sa ċertu punt ferm limitat.

(162)

F'suq globali għar-reklamar mobbli, il-Kummissjoni tqis li l-JV Co tkun tiffaċċja kompetituri globali b’saħħithom bħal Google (Doubleclick, AdMob, Admeld), Apple (Quattro Wireless/iAd), Yahoo! (Blue Lithium u RightMedia), Microsoft (Screentonic, aQuantive), AOL (AOL Advertising), WPP (24/7 RealMedia) jew netwerks indipendenti ta’ reklamar mobbli bħal Millenial Media. F’suq bħal dan, il-JV Co topera bħala alternattiva għal dawn l-atturi stabbiliti fis-suq.

(163)

F'suq idjaq għal messaġġi mmirati ta' kummerċjalizzazzjoni u, b’mod partikolari, is-swieq sekondarji possibbli għal SMS bl-ingrossa intelliġenti u push SMS, il-Kummissjoni vvalutat jekk il-JV Co isirx attur b'saħħtu li jkollu aċċess għall-klijenti finali tal-Partijiet li Jinnotifikaw u jekk ikollux il-kapaċità li jibgħatilhom messaġġi mmirati ta' kummerċjalizzazzjoni.

(164)

Bħalissa, is-suq għal messaġġi mmirati ta' kummerċjalizzazzjoni (u b’mod partikolari l-push SMS u l-SMS bl-ingrossa intelliġenti) huwa insinifikanti meta mqabbel mar-reklamar mobbli. Barra minn hekk, il-kapaċità li l-JV Co tipprovdi messaġġi b'SMS immirati mhijiex ser tkun waħda unika, peress li hemm bosta parteċipanti (bħal Apple jew Google) (40) li anki huma għandhom in-numri tal-mowbajl ta’ (ħafna mill-) klijenti tagħhom flimkien ma’ informazzjoni oħra dwar il-klijenti u faċilment jistgħu joħolqu servizz simili jew jipprovdu d-dejta meħtieġa lil partijiet terzi (41). Anki atturi oħrajn fis-suq, bħal emittenti ta’ karti tal-kreditu, sistemi ta’ ħlas, bejjiegħa bl-imnut u kumpaniji ta’ referenza tal-kreditu, possibbilment flimkien, jistgħu joħolqu offerti jew jipprovdu dejta lil partijiet terzi.

(165)

Barra minn hekk, ta' min jinnota li anki skont l-aktar definizzjoni dejqa possibbli tas-suq għal push SMS u għal SMS bl-ingrossa intelliġenti, il-JV Co x’aktarx li tkun ristretta biżżejjed minn forom alternattivi ta’ messaġġi, bħal notifiki tal-IP push jew messaġġi bil-posta elettronika.

(166)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li mhuwiex probabbli li l-operazzjoni xxekkel b’mod notevoli l-kompetizzjoni effettiva ta’ kwalunkwe wieħed mis-swieq relevanti possibbli relatati mas-servizzi ta’ reklamar tal-JV Co.

Koordinazzjoni fis-suq tat-telefonija mobbli tal-konsumaturi

(167)

Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Fużjonijiet, il-Kummissjoni analizzat ukoll jekk il-JV Co hijiex ser toħloq ambitu għall-koordinazzjoni fost il-Partijiet li Jinnotifikaw fis-suq tat-telefonija mobbli tal-konsumaturi, li għandu jiġi stmat skont il-kriterji tal-Artikolu 101(1) u (3) tat-TFUE. Restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 101(1) tat-TFUE tiġi stabbilita meta l-koordinazzjoni tal-imġiba kompetittiva tal-kumpaniji possedenti tkun probabbli u apprezzabbli u tirriżulta mill-ħolqien tal-impriża konġunta (42).

(168)

Kull waħda mit-tliet Partijiet li Jinnotifikaw huma attivi u sejrin iżommu l-attivitajiet tagħhom fis-suq tat-telefonija mobbli tal-konsumaturi fir-Renju Unit, li huwa suq qrib dawk tal-attivitajiet tal-JV Co.

(169)

Madankollu, mhuwiex probabbli li l-ħolqien tal-JV Co jaffettwa lil kwalunkwe wieħed mill-parametri ewlenin tal-kompetizzjoni fis-suq tat-telefonija mobbli tal-konsumaturi, bħad-disponibbiltà ta’ telefowns ċellulari differenti jew in-numru ta’ minuti inklużivi, il-volum ta’ dejta jew il-messaġġi bil-kliem.

(170)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li ma għandu jkun hemm ebda kamp ta' applikazzjoni prattiku għall-koordinazzjoni tal-Partijiet li Jinnotifikaw fis-suq tat-telefonija mobbli tal-konsumaturi permezz tal-JV Co.

V.   EFFIĊJENZI

(171)

L-impatt globali tal-operazzjoni sejjer jiġi affettwat ukoll mill-effiċjenzi li x’aktarx jiġu mal-operazzjoni. Filwaqt li hemm nuqqas ta’ effetti antikompetittivi irrispettivament mill-effiċjenzi, dawn l-effiċjenzi jagħmlu parti mill-valutazzjoni kompetittiva globali.

(172)

Il-Partijiet li Jinnotifikaw ma pprovdewx analiżi dettaljata li turi li kwalunkwe effiċjenzi bħal dawn jissofisdaw il-kriterji tal-Linji Gwida dwar il-Fużjonijiet Orizzontali u, b’mod partikolari, li dawn ma jistgħux jinkisbu permezz ta’ alternattivi inqas antikompetittivi.

(173)

Madankollu, m'hemmx bżonn li jiġi stmat eżattamnent il-kobor ta’ dawn l-effiċjenzi probabbli meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ effett antikompetittiv tal-operazzjoni, irrispettivament mill-effiċjenzi.

VI.   KONKLUŻJONI ĠENERALI TAL-VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA FIS-SWIEQ RELEVANTI

(174)

Il-Kummerċ għadu fil-bidu tiegħu b’numru ta’ partijiet interessati li qegħdin jidħlu fis-settur u numru ta’ teknoloġiji differenti li qegħdin jinbtu. Mhuwiex probabbli li l-JV Co jkollha l-kapaċità teknika jew kummerċjali, u lanqas l-inċentiv, sabiex teskludi d-dħul b’mod sostanzjali jew ixxekkel l-espansjoni mill-kompetituri fir-rigward tas-servizzi ta’ pjattaforma ta’ kartiera mobbli għall-operaturi u l-konsumaturi, servizzi ta’ reklamar jew servizzi ta' analiżi tad-dejta.

(175)

Diġà hemm għadd suffiċjenti ta’ kompetituri li qegħdin jitfaċċaw jew li x’aktarx jitfaċċaw fil-futur qrib. Uħud minn dawn il-kompetituri huma kumpaniji b’saħħa notevoli fis-suq, bażi ta’ klijenti u għarfien espert fil-qasam tagħhom. Jinkludu fornituri ta’ servizzi finanzjarji, atturi tal-internet u tal-OTT, atturi diġà attivi fil-ħlasijiet onlajn u M(V)NOs oħrajn. Il-Kummissjoni ma tqisx li l-operazzjoni tista’ ġġib magħha ostakli notevoli għad-dħul, pereżempju billi tagħmilha aktar diffiċli għal dawk li potenzjalment ser jidħlu ġodda fis-suq sabiex jiksbu l-kontributi meħtieġa. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li anki jekk il-Partijiet li Jinnotifikaw ma jitfaċċawx individwalment bħala kompetituri propji minħabba l-JV Co, għadd suffiċjenti ta’ kompetituri oħrajn ser jibqgħu sabiex jiggarantixxu pressjoni kompetittiva adegwata ta' wara l-operat. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhuwiex probabbli li l-JV Co ser tkun tista’ toħnoq l-innovazzjoni; fil-fatt, is-suq tal-mKummerċ x’aktarx li jkompli jkun ikkaratterizzat mill-iżvilupp ta’ inizjattivi ġodda u mit-tfaċċar ta’ firxa ta’ evoluzzjonijiet kummerċjali u tekniċi possibbli fis-snin li ġejjin.

(176)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li mhuwiex probabbli li l-operazzjoni ġġib magħha xkiel notevoli għall-kompetizzjoni effettiva skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Fużjonijiet fi kwalunkwe wieħed mis-swieq relevanti jew fi swieq sekondarji potenzjali.

(177)

Għalhekk, l-operazzjoni għandha tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Fużjonijiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim taż-ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (li minn hawn ’il quddiem issir referenza għalih bħala r-“Regolament tal-Fużjonijiet”).

(2)  Il-paragrafu 239.

(3)  Hemm żewġ approċċi għal dak li huwa deskritt b’mod komuni bħala kartiera mobbli: (i) kartiera kontenitur: bħala minimu, il-kartiera kontenitur għandu jipprovdi lill-konsumatur b’ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjonijiet kollha li jiġu llowdjati fl-element sikur u jagħtih iċ-ċans li jagħżel liema karti tal-ħlas jinxtegħlu u jintfew u li jistabbilixxi l-prijoritajiet bejniethom. Din il-kartiera mobbli sservi ta' kontenitur għall-karti tal-ħlas virtwali kollha tal-konsumatur (il-komponent grafiku tal-interfaċċa tal-utenti) u jippermetti l-konfigurazzjoni tal-element sikur (il-komponent tekniku) anki minn emittenti tal-karti differenti, b’mod simili għal konsumatur li għandu bosta karti tal-ħlas propji fil-kartiera tiegħu; (ii) kartiera bbażata fuq app: fiha biss applikazzjoni waħda li tista’ tinkludi bosta karti, iżda mill-istess emittent. Kull karta individwali maħżuna fuq l-element sikur (pereżempju, karti tal-ħlas) hija rrappreżentata minn applikazzjoni korrispondenti (interfaċċa grafika tal-utenti) fuq it-telefown ċellulari. Għalhekk, karta li tappartjeni għal Fornitur tas-Servizzi individwali tidher bħala applikazzjoni individwali fuq it-telefown ċellulari. F’termini fiżiċi, din tkun ekwivalenti għal karti tal-plastik.

(4)  Il-JV Co tkun qed taġixxi wkoll bħala proċessur ta’ tranżazzjoni virtwali (“VTP”), u b'hekk tippermetti lill-bejjiegħa bl-imnut janalizzaw l-attività fil-livell tal-konsumaturi. Fil-verità, il-JV Co nfisha ma tkun qed tipproċessa ebda tranżazzjoni. Minflok, il-JV Co tissieħeb ma’ proċessuri terzi eżistenti tat-tranżazzjonijiet, u taġixxi bħala intermedjarja sabiex tiġbor informazzjoni bażika dwar l-akkwisti online u fiżiċi magħmula minn utenti tal-kartiera mobbli, flimkien ma’ ċerti dettalji dwar l-utent. Imbagħad, il-JV Co tkun tista’ tgħaddi din l-informazzjoni lura lin-negozjant relevanti bħala servizz b'valur miżjud. Għalkemm mhuwiex suq ta’ prodotti relevanti (peress li s-servizzi VTP tal-JV Co mhumiex qegħdin jiġu offruti bħala offerta ta’ prodott differenti), it-tali servizzi huma marbuta mar-reklamar u l-elementi ta’ analiżi tad-dejta tal-JV Co.

(5)  Bosta kumpaniji (Ericsson, Microsoft, eċċ.) qegħdin joffru dawk li spiss issir referenza għalihom bħala kartieri “b’tikketta bajda”. Dawn il-kumpaniji kellhom l-għan li jipprovdu lill-parteċipanti fis-suq bl-infrastruttura informatika biex jiħfiefu t-tranżazzjonijiet, it-tisrif tal-vawċers u l-analiżi tad-dejta għat-tnedija ta’ kartiera tad-ditta. Għalhekk, il-forniment ta’ kartieri b’“tikketta bajda” tixbah l-offerta tal-pjattaforma ta’ kartieri li l-JV Co stess trid tagħmel lill-M(V)Nos terzi. Barra minn hekk, bħall-JV Co, dawn il-kumpaniji huma preżenti biss fil-livell tal-operaturi u, b’hekk, in-naħa tal-forniment ta’ suq għall-forniment ta’ servizzi ta’ pjattaforma ta’ kartiera mobbli għall-operaturi tkun materjalment differenti minn dik għall-forniment tad-distribuzzjoni ta’ servizzi ta’ kartiera mobbli lill-konsumaturi finali.

(6)  Din hija konsistenti mal-Green Paper tal-Kummissjoni “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl” li tiddikjara li l-linja bejn il-pagamenti elettroniċi u l-pagamenti bil-mowbajl mhijiex ċara, u fil-ġejjieni tista’ tkompli ssir aktar imċajpra. Ara l-punt 2.4 tal-Green Paper fuq http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52011DC0941:MT:NOT

(7)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2008 fil-Każ COMP/M.4731 – Google/DoubleClick.

(8)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna Nru 7.

(9)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2012 fil-Każ COMP/M.5650 – T-Mobile/Orange, il-paragrafu 24; id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2007 fil-Każ COMP/M.4947 – Vodafone/Tele2 Italy/Tele2 Spain, il-paragrafu 14; id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2006 fil-Każ COMP/M.3916 – T-Mobile Austria/Tele ring, il-paragrafu 18; id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Settembru 2004 fil-Każ COMP/M.3530 – TeliaSonera/Orange, il-paragrafu 13; u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Settembru 2003 fil-Każ COMP/M.3245 – Vodafone/Singlepoint, il-paragrafu 12.

(10)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Settembru 2004, il-Każ COMP/M.3530 – TeliaSonera AB/Orange AS, il-paragrafu 16 u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2005, il-Każ COMP/M.3920 – France Telecom/Amena, il-paragrafu 20.

(11)  Barra minn hekk, il-Partijiet li Jinnotifikaw għandhom l-aspirazzjoni li l-kartiera mobbli tal-JV Co ser tkun interoperabbli mad-diversi inizjattivi tal-kartiera fi Stati Membri oħrajn tal-UE, u dan jippermetti lill-utenti jużaw il-kartiera mobbli tagħhom meta jivvjaġġaw fl-Unjoni Ewropea (u potenzjalment fi bnadi oħrajn).

(12)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2012 fil-Każ COMP/M.5650 – T-Mobile/Orange, il-paragrafu 25; id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Awwissu 2007 fil-Każ COMP/M.4748 – T-Mobile/Orange Netherlands, il-paragrafu 16 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2006 fil-Każ COMP/M.3916 – T-Mobile Austria/Telering, il-paragrafu 19.

(13)  Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

(14)  Il-valutazzjoni tal-kompetizzjoni ssir fuq suq li huwa msawwar mir-Renju Unit kollu f’daqqa. Fi kwalunkwe suq ġeografiku usa’, jintlaħqu konklużjonijiet simili ta’ nuqqas ta’ probabilità ta' xkiel notevoli għall-kompetizzjoni effettiva.

(15)  Ara, pereżempju, it-tweġibiet għall-kwestjonarji Q1 u Q2 tas-7 ta' Marzu 2012, il-mistoqsijiet numru 64 u 65.

(16)  Ara l-paragrafu 31 tal-Linji Gwida dwar l-evalwazzjoni ta' amalgamazzjonijiet mhux orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (2008/C 265/07) għal definizzjoni ta’ esklużjoni ta' dħul.

(17)  Eż. M(V)NOs kompetituri, Google Wallet, PayPal jew fornituri oħrajn ta’ kartieri mobbli.

(18)  Tweġibiet għall-Kwestjonarju Q3 tas-7 ta' Marzu 2012, mistoqsija Nru 7.

(19)  Ara t-tweġiba mill-Partijiet li Jinnotifikaw għat-Talba tal-Kummissjoni għal Informazzjoni tat-13 ta' Settembru 2011, mistoqsija Nru. 6.

(20)  Ara l-paragrafi 994 u 995 tal-Formola tas-CO.

(21)  Is-servizzi bbażati fuq is-softwer jew dawk ibbażati fuq il-cloud jistgħu jintużaw ukoll għall-ħażna tal-kredenzjali tal-ħlas. Din hija teknoloġija ġdida u li għadha qiegħda tiżviluppa u għalissa għadu mhuwiex ċar kif din tista’ tintuża fis-suq tal-massa. Madankollu, potenzjalment tipprovdi alternattiva għall-forniment tas-servizzi mmexxija mill-MNO.

(22)  Pereżempju, RIM bil-mudelli tagħha Blackberry Curve 9360, Bold 9900, Bold 9790 u 9860, HTC bil-mudelli tagħha One X u Desire C, Samsung bil-mudelli tagħha Galaxy Nexus u Galaxy SIII u Sony Ericsson bil-mudell tagħha Xperia S, li kollha jappoġġjaw arkitettura b'SEs doppji (SE inkorporat u SE bbażat fuq SIM card) u Samsung bil-mudell tagħha Galaxy note li jappoġġja biss l-SE inkorporat.

(23)  Tweġiba tal-Partijiet li Jinnotifikaw għat-Talba tal-Kummissjoni għal Informazzjoni tal-24 ta' April 2012, mistoqsija Nru. 14, u d-Dokument Tekniku tat-8 ta' Mejju 2012 ippreżentat minn […]* f’isem il-Partijiet li Jinnotifikaw, paġni 21 u 22.

(24)  Sottomissjoni tal-Ofcom tal-31 ta' Mejju 2012, il-paragrafu 2.4.4.

(25)  Ara b’mod partikolari l-minuti maqbula tal-konferenza telefonika mal-Ofcom tas-6 ta' Ġunju 2012.

(26)  First Data ssostni li t-terminals tal-PoS għadhom mhumiex mgħammra bi standards jew speċifikazzjonijiet għall-ipproċessar ta’ tranżazzjonijiet mhux ta’ ħlas bħat-tisrif ta’ vawċers u l-għoti ta’ punti ta’ lealtà. Hemm metodi potenzjali differenti ta' kif jistgħu jiġu stabbiliti dawn l-istandards u jittejbu t-terminali kif xieraq. L-iżvilupp tat-tali standards jew speċifikazzjonijiet huwa mistenni jseħħ fi ħdan korpi tat-tip ta’ assoċjazzjoni tal-industrija, bħall-EMVCO, jew skont skemi ta’ karti internazzjonali (Visa, MasterCard). First Data sejra tadotta dawk l-istandards jew speċifikazzjonijiet kif meħtieġ mill-industrija.

(27)  Verifone ssostni li hemm biss standards u speċifikazzjonijiet għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas (stabbiliti minn Visa u MasterCard). Operaturi bħal Google jridu jiżviluppaw protokoll speċifiku għall-vawċers u l-punti ta’ lealtà. VeriFone tipprova tipprovdi wkoll qafas ta’ API miftuħ sabiex kwalunkwe kartiera mobbli li tippermetti l-vawċers tkun tista’ tinteraġġixxi mat-terminali tiegħu. VeriFone tistenna li fl-aħħar mill-aħħar jiġu żviluppati standards globali. Fir-rigward tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni għat-terminali ta’ VeriFone, ma hemm ebda ċertifikazzjoni standard għal terminali ta’ ħlas mingħajr kuntatt. VeriFone għandha t-terminali tagħha ċċertifikati b'mod separat minn Visa, MasterCard, eċċ. Il-proċessi ta’ ċertifikazzjoni differenti jinbidlu regolarment, iżda dawn huma validi madwar id-dinja kollha, għajr Visa, li żviluppat verżjonijiet differenti f’xi reġjuni (pereżempju; Visawave għall-ASPAC).

(28)  Verifone ssostni li ma hemm ebda privattiva li tkopri l-funzjoni ta’ taptipa waħda (“single-tap”). Google kienet tiżviluppa l-ispeċifikazzjonijiet tagħha għal Google wallet u tippossjedi d-drittijiet proprjetarji rispettivi. L-API għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet fuq it-terminali ta’ VeriFone hija żviluppata minn VeriFone fuq il-bażi ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet; VeriFone hija sid id-drittijiet proprjetarji għal din l-API. VeriFone żviluppat ukoll l-ambjent ġenerali tagħha biex tappoġġja l-kartieri mobbli ħalli jaħdmu fuq it-terminali tagħha. Għalhekk, ikun faċli li jiġi propost servizz simili għal dak ta' Google single tap lil impriżi oħrajn.

(29)  Ara l-istqarrija għall-istampa (20.12.2011): http://www.afscm.org/en/news/the-afscm-releases-a-new-set-of-specificaitions.htm?id=59

(30)  Għajr għal esklużjoni kummerċjali bbażata fuq it-tneħħija mil-lista ta’ telefowns ċellulari li fihom kartieri mobbli rivali li jistgħu jiġu implimentati direttament mill-partijiet li jeskludu.

(31)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2012 fil-Każ COMP/M.6381 Google/Motorola Mobility. Barra minn hekk, anki jekk il-kumpanija Google qiegħda tidħol fin-negozju tal-ħardwer, esperti indipendenti jikkonfermaw li: “Minkejja l-filosofija miftuħa li biha kien introdott Android għall-ewwel darba, maż-żmien feġġet tendenza kostanti min-naħa ta' Google li qed tibda tikkontrolla dejjem iktar il-pjattaforma. Fil-bidu, dan sar permezz tat-tnedija tal-apparati Nexus bid-ditta tagħha stess, li użat sabiex fl-istess ħin toħroġ għall-pubbliku l-aħħar verżjoni ta' Android, iżda wara dan ċaħdet milli tipprovdi b'mod miftuħ il-kodiċi għall-verżjoni Honeycomb ta' Android li hija ottimizzata għall-kompjuters tal-id (tablets). Kien hemm anki rapporti li Google saret iktar selettiva dwar liema OEMs tipprovdi b'aċċess bikri għall-aħħar verżjonijiet tal-kodiċi sors ta' Android, biex b'hekk essenzjalment ħolqot grupp magħżul ta' OEMs li jridu jibqgħu qrib Google biex ilaħħqu mal-aħħar żviluppi teknoloġiċi. Google iżomm għadd ta' punti ta' kontroll proprjetarju fuq l-OS ‘miftuħa’, bħat-trade mark għat-terminu ‘Android’, minbarra l-applikazzjonijiet ċentrali tad-ditta Google fuq l-apparati, bħal Google Mail, Maps, u Android Marketplace. Barra minn hekk, il-liċenzja għall-provvista libera ta' Apache 2.0, li Google għażlet għal Android, tfisser li mhijiex legalment obbligata toħroġ il-kodiċi sors, u din hija r-raġuni li għaliha setgħet iżżomm bħala privat il-kodiċi ta' Honeycomb. Dawn il-fatturi jfissru li l-OEMs iridu jżommu relazzjoni mill-qrib ma' Google biex ikollhom il-permess tal-kumpanija ħali jaċċessaw il-kodiċi sors, jużaw is-servizzi popolari tagħha, u jużaw id-ditta Android fuq l-apparati tagħhom. Wara dan kollu, jidher biċ-ċar li Google m'għandhiex biss fil-mira tagħha li teżerċita kontroll ikbar fuq min juża Android, iżda anki kif jużawha. Il-kumpanija rat biċ-ċar il-benefiċċji li kontroll u integrazzjoni vertikali ikbar jistgħu jġibu magħhom, hekk kif rat jogħla l-valur tal-kompetitur qarib tagħha Apple, u forsi hija iktar intrigata biex tieħu l-benefiċċji li ġġib magħha integrazzjoni vertikali ikbar.” […]* paġna 6 tar-rapport mehmuż bħala l-Anness 4 għas-sottomissjoni tal-Partijiet li Jinnotifikaw tas-6 ta' Ġunju 2012.

(32)  Dan l-aħħar, il-manifattur RIM tat-telefowns ċellulari Blackberry ħabbar li l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet ta' NFC ser ikun prijorità għall-ismartphones Blackberry tiegħu u ddikjara li “l-NFC sejra tagħti spinta kbira lil RIM għat-12-il xahar li ġejjin” (ara http://www.forbes.com/sites/elizabethwoyke/2011/11/08/rim-plans-big-push-for-nfc-enabled-blackberry-apps/). Madankollu, il-Kummissjoni osservat is-sitwazzjoni li qiegħda tevolvi fi ħdan RIM, li jidher li għaddej minn xi miżuri ta’ ristrutturar. Aktarx li Blackberry għandha s-setgħa meħtieġa fil-katina tal-provvista mobbli sabiex tistabbilixxi rotta għas-suq għat-telefowns ċellulari popolari tagħha. Skont […]*, tlieta mill-aqwa għaxar telefowns ċellulari għall-klijenti li jħallsu wara fl-ewwel trimesru tal-2012 fir-Renju Unit kienu telefowns ċellulari tad-ditta Blackberry (ara s-sottomissjoni tal-Partijiet li Jinnotifikaw “Ebda kapaċità kummerċjali sabiex jeskludu servizzi rivali ta’ pjattaforma ta’ servizzi tal-kartieri mobbli għall-operaturi”, paġna 35).

(33)  Mintel, Telecoms Retailing (Jannar 2011), Figura 27.

(34)  Ara, pereżempju, it-tweġibiet tal-Partijiet li Jinnotifikaw għat-Talba tal-Kummissjoni għal Informazzjoni tal-31 ta' Mejju 2012, tat-8 ta' Ġunju 2012 u tal-14 ta' Ġunju 2012.

(35)  Kawża T-342/99 Airtours vs il-Kummissjoni, Rapporti tal-Qorti Ewropea, 2002, Paġna II-02585.

(36)  Three UK issostni li d-disponibbiltà ta’ kartiera mobbli sejra ssir parametru prinċipali tal-kompetizzjoni meta l-konsumaturi jiddeċiedu fuq pjan ta’ tariffi ma’ operatur, peress li t-telefowns ċellulari ser isiru dejjem aktar multifunzjonali u l-kartiera mobbli ser tkun il-pass li jmiss ta’ evoluzzjoni naturali li diġà qabdet, billi ssir “fattur ta' iġjene” fis-sens li ser tkun parti integrali mill-mowbajl, bħal eż. il-kamera jew l-aċċess għall-internet.

(37)  […]*.

(38)  In-nuqqas ta’ esklużjoni fl-attivitajiet ta’ Tranżazzjoni qiegħed jgħin ukoll sabiex jiġi żgurat li dawn il-kumpaniji jkunu f’pożizzjoni li jiġbru d-dejta relevanti wara l-operazzjoni.

(39)  Rapport tal-Ofcom minn Awwissu 2011, paġni 201-202.

(40)  Il-Partijiet li Jinnotifikaw jenfasizzaw li, pereżempju, il-kumpaniji Apple u Google jiġbru n-numri tal-mowbajls meta l-klijenti joħolqu l-identitajiet tagħhom fuq iTunes jew Google Play.

(41)  Il-Kummissjoni tifhem minn parteċipanti oħrajn fis-suq li bħalissa, Apple u Google mhumiex qegħdin ibigħu din ix-xorta ta’ dejta direttament.

(42)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 1998, Każ IV/JV. 1 – Telia/Telenor/Schibsted, il-paragrafu 28.


7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/24


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Marzu 2013

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 li twaqqaf il-grupp ta' esperti għall-iżvilupp tal-missjoni tas-sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, il-“Grupp Konsultattiv dwar l-Iżvilupp tal-Missjoni”

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 66/05

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 li twaqqaf il-grupp ta' esperti għall-iżvilupp tal-missjoni tas-sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, il-“Grupp Konsultattiv għall-Iżvilupp tal-Missjoni” (1) (minn hawn 'il quddiem “il-Grupp”) bil-ħsieb li jipprovdu lill-Kummissjoni b'pariri indipendenti dwar kwistjonijiet marbuta mal-iżvilupp tal-missjoni tal-EGNOS u tal-Galileo.

(2)

Meta kienet qed tistabbilixxi l-Grupp, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-grupp għandu jkun magħmul minn individwi li jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom.

(3)

Skont ir-regoli tal-Kummissjoni dwar il-gruppi ta' esperti (2), il-membri maħtura fil-kapaċità personali tagħhom għandhom jaġixxu b'mod indipendenti u fl-interess pubbliku.

(4)

Uħud mill-membri tal-grupp, kif maħtura mill-Kummissjoni (3), huma impjegati u maniġers minn kumpaniji privati, li għandhom interess dirett fil-ħidma tal-grupp. Għaldaqstant, dawn l-impjegati u l-maniġers ma jistgħux iservu bħala membri fil-kapaċità personali tagħhom; jistgħu jipparteċipaw fil-ħidma tal-grupp bħala rappreżentanti ta' partijiet interessati.

(5)

Fid-dawl ta' dan ta’ hawn fuq, il-membri tal-grupp għandhom ikunu individwi li jinħatru fil-kapaċità personali tagħhom, individwi maħtura biex jirrappreżentaw l-interess komuni tal-partijiet interessati kif ukoll tal-organizzazzjonijiet. F'konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar il-gruppi ta' esperti (4), it-terminu organizzazzjonijiet irid jinftiehem fis-sens wiesa' tal-kelma, u jirreferi, fost l-oħrajn, għal kumpaniji, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet nongovernattivi, trade unions, korpi u aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll għal organizzazzjonijiet internazzjonali.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 li twaqqaf il-grupp ta' esperti għall-iżvilupp tal-missjoni tas-sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, il-“Grupp Konsultattiv dwar l-Iżvilupp tal-Missjoni” għandha għalhekk tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 li twaqqaf il-grupp ta' esperti għall-iżvilupp tal-missjoni tas-sistemi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita, il-“Grupp Konsultattiv dwar l-Iżvilupp tal-Missjoni”, il-paragrafi 2 u 3 għandhom jinbidlu bit-test li ġej:

“2.   Il-membri għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn fost speċjalisti b'kompetenzi fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2 u minn organizzazzjonijiet b'rekord ta' attività f'dawn l-oqsma li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet.

3.   Il-membri tal-grupp għandhom ikunu:

individwi maħtura fil-kapaċità personali tagħhom;

individwi maħtura biex jirrappreżentaw l-interess komuni tal-partijiet interessati fil-qasam tan-navigazzjoni bis-satellita; ma għandomx jirrappreżentaw xi parti interessata individwali; jew

Organizzazzjonijiet fis-sens wiesa' tal-kelma, inklużi kumpaniji, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet nongovernattivi, trade unions, korpi u aġenziji tal-Unjoni, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali. L-organizzazzjonijiet għandhom jinnominaw ir-rappreżentanti tagħhom.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2014.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Antonio TAJANI

Viċi President


(1)  ĠU C 271, 7.10.2010, p. 2.

(2)  C(2010) 7649 finali, regola 9.

(3)  C(2011) 3624 finali.

(4)  C(2010) 7649 finali, regola 8.


INFORMAZZJONI DWAR IŻ-ŻONA EKONOMIKA EWROPEA

Awtorità ta' Sorveljanza EFTA

7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/25


Informazzjoni kkomunikata mill-Istati tal-EFTA dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija taħt l-Att imsemmi fil-punt 1 j tal-Anness XV tal-Ftehim ŻEE (ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa))

2013/C 66/06

PARTI I

Għajnuna Nru

GBER 12/12/ENV

Stat tal-EFTA

In-Norveġja

L-awtorità li tagħti l-għajnuna

Isem

Direttorat tad-Dwana u s-Sisa (awtoritajiet doganali reġjonali)

Indirizz

Postbox 8122 Dep

0032 Oslo

NORWAY

Il-paġna tal-internet

http://www.toll.no

Titolu tal-miżura ta’ għajnuna

Tnaqqis tat-taxxa fuq is-CO2 fuq żejt minerali għall-avjazzjoni kopert mill-iskema Ewropea tan-negozjar fl-emissjonijiet.

Bażi legali nazzjonali (Referenza għall-pubblikazzjoni uffiċjali nazzjonali rilevanti)

Id-deċiżjoni annwali tal-Parlament Norveġiż dwar it-taxxa fuq is-CO2

Ir-Regolament Nru 1451 tal-11 ta' Diċembru 2001 dwar it-taxxi tas-sisa § 4-6-1 (2)

Link tal-internet għat-test sħiħ tal-miżura ta' għajnuna

http://www.lovdata.no/for/sf/sv/fd-20121127-1217.html

u

http://www.lovdata.no/for/sf/fd/td-20011211-1451-029.html

Tip ta’ miżura

Skema

Tnaqqis tat-taxxa

Tul ta' żmien

Skema

1.1.2012 sal-31.12.2021

Settur(i) ekonomiku/ċi kkonċernati

Limitat għal setturi speċifiċi – Jekk jogħġbok speċifika skont in-NACE Rev. 2.

51.10 Trasport ta’ passiġġieri bl-ajru

51.21 Trasport ta’ merkanzija bl-ajru

Tip ta' benefiċjarju

SME

Kemm SMEs kif ukoll impriżi kbar

Impriżi kbar

Kemm SMEs kif ukoll impriżi kbar

Baġit

Ammont totali annwali tal-baġit ippjanat taħt l-iskema

NOK 70 miljun

Strument tal-għajnuna (Art. 5)

Miżura fiskali

Tnaqqis tat-taxxa

PARTI II

L-Għanijiet Ġenerali (lista)

Għanijiet (lista)

L-intensità massima tal-għajnuna f'% jew l-ammont massimu tal-għajnuna f'NOK

SME – bonusijiet f'%

Għajnuna għall-protezzjoni tal-ambjent

(Art 17-25)

Għajnuna fil-forma ta’ tnaqqis fit-taxxi ambjentali

(Art. 25)

NOK 70 miljun

 


7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/27


L-Avviż tal-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA dwar ir-rati ta’ interess ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat u r-rati ta’ referenza/skont attwali għal tliet Stati tal-EFTA li japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2013

(Ippubblikat f’konformità mal-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 (ĠU L 139, 25.5.2006, p. 37 u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 26/2006, 25.5.2006, p. 1))

2013/C 66/07

Ir-rati bażi huma kkalkulati f’konformità mal-Kapitolu dwar il-metodu għall-istabbiliment tar-rati ta’ referenza u ta’ skont tal-Linji Gwida tal-Awtorità dwar l-għajnuna mill-Istat kif emendati mid-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 788/08/COL tas-17 ta’ Diċembru 2008. Biex tinkiseb ir-rata ta’ referenza applikabbli, għandhom jiżdiedu marġni xierqa f’konformità mal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat. Fir-rigward tar-rata ta’ skont dan ifisser li l-marġni xieraq ta’ 100 punt bażi jrid jiżdied mar-rata bażi. Normalment, ir-rata ta’ rkupru tiġi kkalkulata wkoll billi jiżdiedu 100 punt bażi mar-rata bażi kif previst fid-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 789/08/COL tas-17 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Deċiżjoni tal-Awtorità Nru 195/04/COL tal-14 ta’ Lulju 2004 (ippubblikata fil-ĠU L 340, 22.12.2010, p. 1 u fis-Suppliment taż-ŻEE Nru 72/2010, 22.12.2010, p. 1). Ir-rati bażi ġew iddeterminati kif ġej:

 

L-Islanda

Il-Liechtenstein

In-Norveġja

1.1.2013-

6,14

0,34

2,39


V Avviżi

PROĊEDURI TAL-QORTI

Qorti tal-EFTA

7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/28


Azzjoni mressqa fl-4 ta' Diċembru 2012 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Prinċipat ta' Liechtenstein

(Il-Kawża E-14/12)

2013/C 66/08

Azzjoni kontra l-Prinċipat ta' Liechtenstein tressqet quddiem il-Qorti tal-EFTA fl-4 ta' Diċembru 2012 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Xavier Lewis, Clémence Perrin u Catherine Howdle, bħala Aġenti, 35, Rue Belliard, 1040 Brussell, Belgium.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA tiddikjara li:

(1)

Billi nżammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li timponi fuq persuni residenti fil-Liechtenstein li huma responsabbli għal aġenzija tax-xogħol temporanju l-obbligu li tiġi fornuta garanzija ta' 50 000 frank Svizzeru, filwaqt li l-garanzija ta' 100 000 frank Svizzeru hija imposta fuq persuni li jwettqu funzjoni simili li huma residenti barra Liechtenstein, u fuq aġenziji li jfittxu li jwasslu servizzi ta' impjieg temporanju transkonfinali, il-Prinċipat ta' Liechtenstein (“Liechtenstein”) naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 31 u l-Artikolu 36 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

(2)

Il-Prinċipat tal-Liechtenstein għandu jħallas l-ispejjeż ta’ dawn il-proċedimenti.

L-isfond legali u fattwali u r-raġunijiet legali miġjuba bħala sostenn:

L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tissottometti li l-Liechtenstein naqset milli tikkonforma ma' opinjoni raġunata mogħtija mill-awtorità ta' sorveljanza tal-EFTA nhar il-25 ta' Jannar 2012, dwar nuqqas li twettaq l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 31 u 36 tal-Ftehim taż-ŻEE fil-qasam ta' xogħol temporanju u s-servizzi tal-impjiegi.

Il-miżuri tal-Liechtenstein inkwistjoni huma l-Artikolu 25 u 26 ta’ Verordnung vom 11. Juli 2000 zum Gesetz über die Arbeitsvermittlung und den Personalverleih (ir-Regolament tal-11 ta’ Lulju 2000 rigward servizzi ta’ kollokament f'impjieg u ta’ impjiegi temporanji).

L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA tissottometti li permezz ta’ dawn il-miżuri, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Liechtenstein timponi fuq persuni residenti f'dak il-pajjiż li jkunu responsabbli għal aġenzija tax-xogħol temporanju l-obbligu li jissupplixxu garanzija ta' 50 000 frank Svizzeru. Permezz tal-istess leġiżlazzjoni, hu impost l-obbligu li tiġi fornuta garanzija ta’ 100 000 frank Svizzeru meta jingħataw servizzi ta’ xogħol temporanju fuq persuni li jwettqu funzjoni simili li huma residenti barra Liechtenstein. Hi mitluba wkoll garanzija ta’ 100 000 frank Svizzeru minn aġenziji ta’ xogħol temporanju stabbiliti barra Liechtenstein li jfittxu li jipprovdi tali servizzi lil hinn mill-fruntiera.

L-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ssostni li billi żamm fis-seħħ il-leġiżlazzjoni tiegħu, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, Liechtenstein qed jikser l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 31 u 36 taż-ŻEE.


7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/29


Azzjoni mressqa fit-30 ta' Novembru 2012 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Islanda

(Il-Kawża E-12/12)

2013/C 66/09

Fit-30 ta’ Novembru 2012 l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Markus Schneider u Clémence Perrin, li qegħdin jaġixxu ta’ Aġenti, Rue Belliard 35, 1040 Brussell, Belgium ħadet azzjoni kontra l-Islanda fil-Qorti tal-EFTA.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA biex:

(1)

Tiddikjara li jekk ma tadottax, jew ma tinnotifikax lill-Awtorità dwar, il-miżuri meħtieġa biex jiġi implimentat l-Att imsemmi fil-punt 7h tal-Anness XIX tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar ftehim ta' kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE), kif adattati għall-Ftehim permezz tal-Protokoll 1 tiegħu, fiż-żmien preskritt, l-Islanda ma tkunx issodisfat l-obbligi tagħha skont l-Att u skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE; u

(2)

Tordna lill-Islanda tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti.

L-isfond legali u fattwali u r-raġunijiet legali miġjuba bħala sostenn:

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA taqbel li l-Islanda hija meħtieġa skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 (id-Direttiva), u l-Artikolu 7 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex timplimenta d-Direttiva, u biex tinforma lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA dwarhom.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA taqbel li ma rċeviet l-ebda informazzjoni dwar dan mill-Gvern tal-Islanda, u lanqas ma għandha informazzjoni oħra li tippermettilha tikkonkludi li l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva ttieħdu.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA taqbel li l-Islanda ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva u skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE billi ma adottatx, jew ma nnotifikatx lill-Awtorità dwar, il-miżuri meħtieġa biex tiġi implimentata d-Direttiva fiż-żmien preskritt.


7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/30


Azzjoni mressqa fit-30 ta' Novembru 2012 mill-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA kontra l-Islanda

(Il-Kawża E-13/12)

2013/C 66/10

Fit-30 ta’ Novembru 2012 l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn Xavier Lewis u Maria Moustakali, li qegħdin jaġixxu ta’ Aġenti, Rue Belliard 35, B-1040 Brussell, Belgium ħadet azzjoni kontra l-Islanda fil-Qorti tal-EFTA.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA titlob lill-Qorti tal-EFTA biex:

(1)

Tiddikjara li jekk ma tadottax, jew ma tinnotifikax lill-Awtorità dwar, il-miżuri meħtieġa biex jiġi implimentat l-Att imsemmi fil-punt 10 tal-Parti 7.1 tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (id-Direttiva tal-Kunsill tas-26 ta’ Marzu 1990 li tistipula l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-preparazzjoni, id-dħul fuq is-suq u l-użu fil-Komunità ta’ prodotti tal-ikel medikat), kif adattati għall-Ftehim permezz tal-Protokoll 1 tiegħu, fiż-żmien preskritt, l-Islanda ma tkunx issodisfat l-obbligi tagħha skont l-Att u skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE; u

(2)

Tordna lill-Islanda tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti.

L-isfond legali u fattwali u r-raġunijiet legali miġjuba bħala sostenn:

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA taqbel li l-Islanda hija meħtieġa skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/167/KEE tas-26 ta’ Marzu 1990 (id-Direttiva), u l-Artikolu 7 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex timplimenta d-Direttiva, u biex tinforma lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA dwar il-miżuri meħuda.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA taqbel li ma rċeviet l-ebda informazzjoni dwar dan mill-Gvern tal-Islanda, u lanqas ma għandha informazzjoni oħra li tippermettilha tikkonkludi li l-miżuri meħtieġa biex tiġi implimentata d-Direttiva ttieħdu.

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA taqbel li l-Islanda ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva u skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE billi ma adottatx, jew ma nnotifikatx lill-Awtorità dwar, il-miżuri meħtieġa biex tiġi implimentata d-Direttiva fiż-żmien preskritt.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

7.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 66/31


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6869 – GM/Ispol)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2013/C 66/11

1.

Fl-1 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża General Motors Europe Holdings S.L. (“GMEH”, Spain), li tappartjeni għall-grupp General Motors Company (“GM”, l-Istati Uniti tal-Amerika), takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll sħiħ tal-impriża Ispol Holding BV G (“Ispol”, il-Pajjiżi il-Baxxi) permezz ta' xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal GM: il-produzzjoni u l-bejgħ ta' karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief madwar id-dinja kollha,

għal Ispol: il-produzzjoni u l-bejgħ ta' magni diżil għall-vetturi.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6869 – GM/Ispol, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).