ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.062.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 62

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
2 ta' Marzu 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

Id-99 sessjoni plenarja tal-31 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar 2013

2013/C 062/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pakkett leġiżlattiv dwar il-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013

1

2013/C 062/02

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Futur sostenibbli għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)

8

2013/C 062/03

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Garanzija għaż-żgħażagħ

11

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

Id-99 sessjoni plenarja tal-31 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar 2013

2013/C 062/04

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Żona Ewropea tar-Riċerka

14

2013/C 062/05

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-istrateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin 2012–16

22

2013/C 062/06

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Insaħħu ċ-ċittadinanza tal-UE: il-promozzjoni tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE

26

2013/C 062/07

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Noħolqu sinerġiji ikbar bejn il-baġits tal-UE, nazzjonali u sottonazzjonali

32

2013/C 062/08

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Governanza Aqwa tas-Suq Uniku

39

2013/C 062/09

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Għarfien dwar il-Baħar 2020

44

2013/C 062/10

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar It-Tkabbir Blu — Opportunitajiet ta’ tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu

47

2013/C 062/11

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija

51

2013/C 062/12

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat għar-reġjuni għall-perjodu 2014–2020

57

2013/C 062/13

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE fid-dawl tal-istrateġija Ewropa 2020

64

2013/C 062/14

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni tat-tkabbir u t-tisħiħ tal-ħolqien ta’ impjiegi

70

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

 

Id-99 sessjoni plenarja tal-31 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar 2013

2013/C 062/15

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

77

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Id-99 sessjoni plenarja tal-31 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar 2013

2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Pakkett leġiżlattiv dwar il-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013”

2013/C 62/01

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

japprova bil-qawwa, fid-dawl tan-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), li l-Politika ta’ Koeżjoni teħtieġ kemm infiq effettiv kif ukoll baġit vigoruż; għalhekk isejjaħ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw mill-ġdid ir-restrizzjonijiet baġitarji u jżommu tal-inqas l-istess livell ta’ fondi;

jappoġġja bil-qawwa t-tim tan-negozjar tal-Kumitat REGI fil-proċess tat-trijalogu; b’mod partikolari jfakkar xi pożizzjonijiet ewlenin maqsuma mal-PE, bħar-“reġjuni ta’ tranżizzjoni”, il-bilanċ bejn l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tat-Trattat, il-parteċipazzjoni effettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll ir-rifjut tal-kondizzjonalità makroekonomika u ta’ riżerva għall-prestazzjoni; għalhekk jittama li jistgħu jinżammu fil-pakkett finali;

japprova l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli u parteċipazzjoni iktar qawwija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-twaqqif ta’ “Kuntratti ta’ Sħubija” u “Programmi Operattivi” futuri; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi mfassla Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (ECPP); għaldaqstant jiddispjaċih ħafna li l-Kunsill jirrifjuta għodda bħal din u jitlob lil dawk l-Istati Membri mhux ħerqana biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjonijiet tagħhom għax dan jagħti sinjal negattiv dwar ir-rieda tagħhom li jikkooperaw ma’ msieħba leġittimi;

jappoġġja responsabbiltà demokratika iktar b’saħħitha u jaħseb li l-Kunsill għandu jiddiskuti diversi kwistjonijiet finanzjarji – bħall-metodu ta’ allokazzjoni tal-Fondi fil-livell nazzjonali u reġjonali, ir-rata ta’ limitu, is-sistema ta’ sigurtà, eċċ. – fi ħdan il-qafas tan-negozjati dwar il-pakkett leġislattiv tal-Politika ta’ Koeżjoni minflok tal-QFP, sabiex il-Parlament Ewropew ikun involut b’mod adegwat f’dawn id-diskussjonijiet u l-KtR jiġi kkonsultat;

jiddispjaċih għal darb’oħra li l-PDG/DNG (u sa ċertu punt l-għadd ta’ nies qiegħda) huma l-uniċi kriterji li qed jintużaw sabiex jiġi determinat il-livell ta’ allokazzjoni tal-Fondi Strutturali f’reġjun partikolari u jenfasizza li għandhom jintużaw indikaturi supplementari sabiex jiġu evalwati aħjar il-bżonnijiet u l-isfidi soċjali u ambjentali.

Relatur

Is-Sur WOŹNIAK (PL/PPE), Marixxall tar-reġjun ta’ Wielkopolska

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Pakkett leġislattiv dwar il-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jadotta riżoluzzjoni politika dwar in-negozjati interistituzzjonali li għaddejjin bħalissa dwar il-pakkett leġislattiv dwar il-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013, billi jqis l-ewwel pożizzjonijiet li adotta bejn Frar u Lulju 2012 u jirreaġixxi għad-diskussjonijiet u l-pożizzjonijiet reċenti meħuda mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill;

2.

fid-dawl tan-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), japprova bil-qawwa li l-Politika ta’ Koeżjoni hija politika ta’ investiment li teħtieġ kemm infiq effettiv kif ukoll baġit vigoruż li ma jistax jitnaqqas jekk irridu nħeġġu t-tkabbir u l-impjiegi, inżidu l-kompetittività u niġġieldu kontra d-differenzi territorjali fir-reġjuni tal-UE u bejniethom, b’mod speċjali fi żminijiet ta’ kriżi. Minħabba l-importanza fundamentali tal-Politika ta’ Koeżjoni sabiex jiġu indirizzati l-kriżi ekonomika u l-isfidi tal-Istrateġija Ewropa 2020, ma jistax ikun li tonqos l-allokazzjoni tagħha b’EUR 19-il biljun (meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea) filwaqt li jinżamm jew saħansitra jiżdied l-infiq f’politiki oħra tal-Unjoni Ewropea, kif ġie propost fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2012;

3.

jesprimi l-ikbar sodisfazzjon dwar il-mandati adottati mill-Kumitat REGI tal-Parlament Ewropew fil-11-12 ta’ Lulju 2012, li fil-biċċa l-kbira tagħhom itennu t-talbiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif espressi u adottati fl-opinjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni; jiddispjaċih, madankollu, li l-kwistjonijiet ewlenin li jikkonċernaw l-abbozz tar-regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) ma ġewx adottati fl-abbozz tar-rapport adottat mill-Kumitat EMPL fil-5 ta’ Lulju 2012;

4.

japprezza l-iżviluppi pożittivi lejn is-semplifikazzjoni kif proposti mill-abbozz tal-pakkett leġislattiv tal-Kummissjoni Ewropea u jilqa’ b’sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji li ġew adottati reċentement applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE, bħal dawk dwar l-użu ta’ rati fissi, ħlasijiet ta’ somma sħiħa (lump sum) u skadenzi ta’ ħlas iqsar; jinsisti li jkun hemm aġenda dejjem iktar ambizzjuża fil-livell tal-Istati Membri sabiex jiġi semplifikat l-aċċess għall-proċeduri tal-fondi tal-UE, ir-regoli tal-akkwist pubbliku tal-UE u nazzjonali, u l-mekkaniżmi ta’ rappurtar u ta’ kontroll;

5.

jappoġġja bil-qawwa t-tim tan-negozjar tal-Kumitat REGI fil-proċess tat-trijalogu; b’mod partikolari jfakkar xi pożizzjonijiet ewlenin maqsuma mal-PE dwar il-punti li ġejjin, u jittama li jistgħu jinżammu fil-pakkett finali:

appoġġ għal politika ta’ koeżjoni li tinkludi r-reġjuni kollha u tiffoka b’mod indaqs fuq ir-reġjuni l-inqas żviluppati tal-UE;

appoġġ għal kategorija ġdida ta’ “reġjuni ta’ tranżizzjoni” u sistema ta’ sigurtà ta’ żewġ terzi tal-allokazzjoni attwali għar-reġjuni li m’għadhomx eliġibbli għal appoġġ għal konverġenza;

il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-prijoritajiet bejn l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tat-Trattat, kif ukoll il-bżonn għal aktar flessibilità fl-applikazzjoni tal-konċentrazzjoni tematika;

il-parteċipazzjoni effettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil ta’ kuntratti ta’ sħubija u ta’ programmi operattivi li jirrispettaw il-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli;

l-appoġġ qawwi għall-inklużjoni ta’ Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-sħubija fi ħdan l-Artikolu 5 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni;

ir-rifjut qawwi tal-kondizzjonalità makroekonomika;

il-ħtieġa għal kondizzjonalitajiet ex ante li huma relatati b’mod dirett mal-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni;

ir-rifjut ta’ riżerva għall-prestazzjoni;

it-trasferiment tal-allokazzjoni tal-Fond ta’ Koeżjoni għall-Faċilità ġdida “Nikkollegaw l-Ewropa”, bl-applikazzjoni stretta tar-regoli dwar il-Fondi ta’ Koeżjoni u r-rispett tal-kwoti nazzjonali;

l-appoġġ għall-approċċ integrat għall-iżvilupp territorjali promoss mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-istabbiliment ta’ għodod u modi ta’ governanza ġodda bħall-Investimenti Territorjali Integrati (ITI) u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-atturi lokali rigward kwistjonijiet urbani;

ir-rifjut tal-pjattaforma għall-iżvilupp urban iżda jintalab li l-URBACT isir permanenti;

6.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat il-pakkett leġislattiv kemm jista’ jkun malajr wara l-adozzjoni tal-Qafas Finanzarju Pluriennali (QFP); ifakkar dwar kemm hi serja l-kriżi ekonomika u soċjali li qed tiffaċċja l-UE, li jfisser li huwa partikolarment urġenti li l-implimentazzjoni tal-Kuntratti ta’ Sħubija u l-Programmi Operattivi tibda fl-2014, billi dan huwa l-uniku mod kif jingħataw fondi Ewropej li huma vitali għar-riformi tal-investimenti u strutturali fl-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet;

7.

ifakkar li għandu jkun hemm distinzjoni bejn id-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ regolament dwar ir-REKT u l-pakkett leġislattiv globali dwar il-Politika ta’ Koeżjoni, u jenfasizza l-importanza li dan ir-regolament speċifiku, li m’għandu l-ebda implikazzjoni partikolari għall-baġit tal-Unjoni Ewropea, jiġi adottat immedjatament u mingħajr ma nistennew li jiġi adottat il-pakkett. Dan jagħmilha possibbli li r-Regolament jidħol fis-seħħ mill-iżjed fis possibbli u jagħti spinta ġdida lill-iżvilupp ta’ proġetti ġodda fil-qasam tar-REKT f’qafas legali sikur;

Favur baġit ambizzjuż għall-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013

8.

ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma totalment konxji tal-ħtieġa li jitjiebu r-riżultati tal-Politika ta’ Koeżjoni, permezz ta’ programmazzjoni u nfiq aħjar tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari fil-kuntest attwali tal-kriżi ekonomika u l-limiti finanzjarji;

9.

jaħseb li Qafas Finanzjarju Pluriennali b’allokazzjoni inqas minn dik proposta mill-Kummissjoni Ewropea mhuwiex aċċettabbli għaliex dan idgħajjef l-ekonomija u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea, u globalment, tas-suq uniku fi żmien meta għandha bżonn tissaħħaħ l-aktar. Għaldaqstant, kif ġie mistqarr fir-Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-QFP (1), itenni l-appell tiegħu għal baġit pluriennali tal-UE kredibbli bħala għodda ta’ investiment għall-benefiċċju tal-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-UE tal-inqas fl-istess livell f’termini ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn bħala perċentwal tad-Dħul Nazzjonali Gross (DNG) bħal dak li ġie miftiehem għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2007-2013;

10.

madankollu jaħseb li mhijiex aċċettabbli l-proposta tal-Presidenza Ċiprijotta tad-29 ta’ Ottubru 2012 li jitnaqqas il-baġit allokat lill-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013. Għalhekk isejjaħ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw mill-ġdid ir-restrizzjonijiet baġitarji u jżommu talinqas l-istess livell ta’ fondi;

11.

jisħaq dwar il-ħtieġa li tinżamm Politika ta’ Koeżjoni b’saħħitha u ambizzjuża fil-livell tal-UE, sabiex jiġu rispettati l-objettivi tat-Trattat dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll l-impenn kollettiv li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020; tnaqqis ta’ iktar minn EUR 10 biljun – kif ġie propost mill-Presidenza tal-Kunsill – iżid id-distakk li hemm bejn ir-reġjuni u t-territorji inqas u dawk iktar żviluppati, kif ukoll id-distakk fid-dħul bejn iċ-ċittadini;

12.

jinsisti dwar il-fatt li tnaqqis fil-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni għandu jaffettwa b’mod negattiv l-iżvilupp tas-Suq Uniku u l-kapaċità ta’ investiment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’oqsma kruċjali għall-futur tal-Ewropa, bħar-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-appoġġ tal-SMEs, l-ekonomija u l-infrastruttura ekoloġika, li huma komponenti ewlenin tal-ħolqien tal-impjiegi għall-ġejjieni; jaħseb li matul dan il-perjodu attwali ta’ kriżi ekonomika u soċjali, it-tnaqqis baġitarju jipperikola investimenti fit-tul u t-tkabbir sostenibbli futur tal-Ewropa u r-rwol tagħha fid-dinja;

Responsabbiltà demokratika iktar b’saħħitha: ir-rispett għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni

13.

ifakkar li għall-ewwel darba testi legali li jirregolaw il-Politika ta’ Koeżjoni se jiġu adottati kollha taħt il-proċedura leġislattiva ta’ kodeċiżjoni, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona, biex b’hekk l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew ikunu f’qagħda bbilanċjata;

14.

għalhekk jaħseb li l-Kunsill għandu jiddiskuti diversi kwistjonijiet finanzjarji – bħall-metodu ta’ allokazzjoni tal-Fondi fil-livell nazzjonali u reġjonali, ir-rata ta’ limitu, is-sistema ta’ sigurtà, eċċ. – fi ħdan il-qafas tan-negozjati dwar il-pakkett leġislattiv tal-Politika ta’ Koeżjoni minflok tal-QFP; kif kien stqarr diġà fl-Opinjoni tiegħu dwar “Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-Ġdid għall-Perjodu ta’ wara l-2013” (2), jikkundanna l-fatt li l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq huma inklużi fil-qafas tan-negozjati tal-Kunsill u jaħseb li, bħala oqsma ta’ kodeċiżjoni, għandhom jiġu diskussi fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew għandu jkun involut b’mod adegwat f’dawn id-diskussjonijiet flimkien mal-Kunsill, u l-KtR għandu jkun ikkonsultat, sabiex tiġi żgurata responsabbiltà demokratika effettiva; ifakkar li l-KtR għandu d-dritt li jidher quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jekk il-Kummissjoni Ewropea ma tippreżentax proposta leġislattiva li dwarha l-KtR jintalab l-opinjoni tiegħu;

Fir-rigward tal-metodu ta’ allokazzjoni tal-Fondi Strutturali

15.

jiddispjaċih għal darb’oħra li l-PDG/DNG (u sa ċertu punt l-għadd ta’ nies qiegħda) huma l-uniċi kriterji li qed jintużaw sabiex jiġi determinat il-livell ta’ allokazzjoni tal-Fondi Strutturali f’reġjun partikolari; għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta biex jiżdied l-impatt fuq l-għadd ta’ nies qiegħda f’reġjuni inqas żviluppati u ta’ tranżizzjoni, kif indikat fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (verżjoni 22 ta’ Novembru 2012), sabiex ikun hemm kontrobilanċ tal-piż tal-PDG fil-metodu ta’ allokazzjoni u sabiex titqies aħjar id-dimensjoni soċjali tal-koeżjoni. Fl-istess ħin jissuġġerixxi li meta tiġi deċiża l-allokazzjoni tal-fondi strutturali fil-livell tal-Istati Membri jitqiesu indikaturi demografiċi oħrajn, bħall-proporzjon tad-dipendenza demografika;

16.

kif intqal qabel (3), jenfasizza li għandhom jintużaw indikaturi supplementari sabiex jiġu evalwati aħjar il-bżonnijiet u l-isfidi soċjali u ambjentali (bħall-aċċessibilità għal servizzi pubbliċi, is-saħħa, id-dħul per capita, il-mobilità u ambjent nadif). Id-distribuzzjoni ta’ dawn l-indikaturi fil-livell sottoreġjonali (indikatur GINI) tista’ tkun integrata fi ħdan il-metodu tal-allokazzjoni tal-Fondi, sabiex jiġu evalwati aħjar l-isfidi għall-koeżjoni territorjali;

17.

jaħseb li, sabiex jitqiesu x-xejriet fl-iżvilupp reġjonali, l-evoluzzjoni tal-PDG għal kull persuna matul il-perjodu ta’ referenza (abbażi taċ-ċifri disponibbli tal-Unjoni għall-perjodu tat-tliet snin l-iżjed reċenti) għandha tiġi integrata fil-metodu futur għall-allokazzjoni tal-Fondi. Għalhekk, permezz ta’ approċċ aktar flessibbli, l-għajnuna tista’ tiġi orjentata wkoll lejn dawk ir-reġjuni li jiffaċċjaw kriżi ekonomika;

18.

jitlob li l-punt dwar “żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u permanenti” jiżdied mal-lista ta’ kriterji li jintużaw għall-allokazzjoni ta’ riżorsi mill-Istati Membri; ifakkar b’mod partikolari li kriterji demografiċi, bħat-tixrid tal-popolazzjoni, it-tnaqqis tal-popolazzjoni f’ċerti partijiet ta’ reġjuni, jew it-tixjiħ demografiku, għandhom impatt serju fuq l-iżvilupp ekonomiku u l-ispiża tas-servizzi pubbliċi; ifaħħar lill-Parlament Ewropew għall-appoġġ tiegħu dwar din il-kwistjoni u jitlob lill-Kunsill biex jallinja ruħu mal-pożizzjoni tal-Parlament;

19.

b’mod indipendenti mill-metodu magħżul, jistqarr mill-ġdid il-prinċipji li ġejjin:

il-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni għandhom jikkonċentraw fuq reġjuni inqas żviluppati, filwaqt li jiġi rispettat it-tqassim bejn tipi ta’ reġjuni kif propost mill-Kummissjoni Ewropea;

“reġjuni fi tranżizzjoni” għandhom jiġu trattati fuq bażi ġusta, u jiġi evitat il-ħolqien ta’ wisq differenzi bejn ir-reġjuni li m’għadhomx eliġibbli għall-objettiv ta’ konverġenza u t-tip l-ieħor ta’ reġjuni fi tranżizzjoni;

reġjuni aktar żviluppati għandhom jiġu appoġġati wkoll, billi ħafna minnhom qed jiffaċċjaw problemi soċjali sinifikanti, żoni ta’ faqar f’ħafna miż-żoni rurali u sfidi ambjentali u ta’ kompetittività ekonomika;

20.

jaħseb li l-prinċipju tal-addizzjonalità huwa wieħed fundamentali għall-effikaċja tal-Politika ta’ Koeżjoni u mingħajru l-isforzi kollha mwettqa fil-politika reġjonali Ewropea jistgħu jsiru inutli;

21.

huwa inkwetat b’mod partikolari li l-Presidenza tal-Kunsill iżżomm it-tliet snin ta’ bejn l-2007 u l-2009 bħala l-perjodu ta’ analiżi għall-proposti tagħha dwar ir-reġjuni. Fi żmien ta’ kriżi bħal dak ta’ bħalissa, il-kalkoli tal-ġid relattiv tar-reġjuni f’dan il-perjodu ma jagħtux stampa reali għaliex ikunu għadhom ibbażati fuq snin ta’ tkabbir ekonomiku, għad-detriment b’mod speċjali tar-reġjuni fejn il-kriżi qed ikollha impatt akbar. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jilqa’ b’mod favorevoli l-introduzzjoni tal-klawżola ta’ reviżjoni fl-2016, iżda fl-istess ħin jipproponi li jingħata appoġġ speċjali, lil hinn mis-sistema ta’ sigurtà, li jikkumpensa lil dawk ir-reġjuni li t-tnaqqis fil-ġid relattiv tagħhom minħabba l-kriżi jpoġġihom f’pożizzjoni tat-tluq żvantaġġata meta mqabbla mar-reġjuni l-oħra tal-kategorija tagħhom;

Fir-rigward tar-rata ta’ limitu

22.

jappoġġja r-rata ta’ limitu proposta fil-qafas ta’ negozjar tat-18 ta’ Settembru 2012 fuq il-QFP (2,5 %) li tqis il-fatt li l-Istati Membri tal-UE-12 qed jilħqu lill-oħrajn u d-diffikultajiet ta’ assorbiment li qed jiffaċċjaw xi Stati Membri matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali; għalhekk jirrifjuta t-tnaqqis propost fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Novembru (2,35 %); madankollu, jipprevedi li fil-każ tal-Istati Membri li ssieħbu qabel l-2013, u li l-medja tal-PDG reali ta’ tkabbir tagħhom bejn l-2008 u l-2010 kien anqas minn – 1 %, dawn jiggarantixxu livell tal-limitu massimu li jippermetti l-istess livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn bħal dak li ġie miftiehem għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2007-2013;

Fir-rigward tas-sistema ta’ sigurtà

23.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni dwar “sistema ta’ sigurtà” ugwali għal mill-inqas żewġ terzi tal-allokazzjoni attwali għal reġjuni li mhux se jibqgħu taħt l-objettiv ta’ konverġenza; jiddispjaċih dwar l-aħħar proposti tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew fejn din is-“sistema ta’ sigurtà” tonqos aktar minn din l-allokazzjoni;

Fir-rigward tal-primjum urban

24.

jilqa’ b’sodisfazzjon it-tħassir reċenti ta’ “primjum urban” fid-dokumenti tal-Presidenza tal-Kunsill fir-rigward tal-qafas ta’ negozjar fuq il-QFP, li kien qed jalloka EUR 4 għal kull ċittadin li qed jgħix fi bliet ta’ 250 000 ruħ u iżjed. Dan il-primjum kien jagħti vantaġġ finanzjarju lir-reġjuni iktar urbanizzati, filwaqt li d-distakk fl-iżvilupp bejn iż-żoni rurali u urbani għadu kbir ħafna;

Fir-rigward tal-baġit għal kooperazzjoni territorjali

25.

jappoġġja bil-qawwa l-proposta tal-Kummissjoni biex tiżdied l-allokazzjoni lill-kooperazzjoni territorjali Ewropea (ETC) għal EUR 11,8 biljun, minflok 8,7 biljuni taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali; ifakkar fil-valur miżjud tal-ETC lejn l-integrazzjoni Ewropea u l-koeżjoni territorjali, bis-saħħa tal-minimizzar tal-effetti negattivi tal-fruntieri, it-titjib fl-effiċjenza tal-politika, it-titjib fil-kwalità tal-ħajja, it-tisħiħ tal-bini tal-kapaċità kif ukoll il-promozzjoni tal-fiduċja u l-fehim reċiproku; għalhekk jiddispjaċih dwar it-tnaqqis ta’ 3 biljuni propost fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Novembru, kif ukoll l-introduzzjoni mill-ġdid tar-rekwiżit ta’ 150 km għall-kooperazzjoni transkonfinali, fil-każ ta’ fruntieri marittimi; madankollu, jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill huwa allinjat mas-sejħa tal-KtR u l-pożizzjoni tal-PE dwar il-ħtieġa biex tiżdied ir-rata ta’ konfinanzjament għal 85 % għal programmi tal-ETC;

Rifjut tal-kondizzjonalità makroekonomika u s-sanzjonijiet/premji finanzjarji

26.

jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni qawwija tiegħu għall-kondizzjonalità makroekonomika, b’mod partikolari għal kwalunkwe sospensjoni jew kanċellazzjoni tal-fondi tal-QSK marbuta mas-sanzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, billi dan joħloq ir-riskju li jiġu penalizzati ħafna dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali li mhumiex responsabbli għall-falliment tal-Istati Membri tagħhom li jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti;

27.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-appoġġ tal-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni u jittama li t-tim ta’ negozjar jirnexxielu – fi ħdan it-trijalogu – jikkonvinċi lill-Istati Membri biex jirtiraw il-miżuri kollha marbuta mal-kondizzjonalità makroekonomika fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni;

28.

jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għar-rabta parzjali tal-Fondi tal-QSK u l-governanza ekonomika ġdida tal-UE, billi tinfetaħ il-possibilità li jiġu emendati l-Kuntratti ta’ Sħubija u l-Programmi Operattivi abbażi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiż fi ħdan is-Semestru Ewropew, iżda jirrifjuta bil-qawwa l-ipoteżi ta’ sospensjoni parzjali jew totali tal-pagamenti;

29.

itenni r-rifjut tiegħu tal-premji ta’ “riżerva għall-prestazzjoni” lir-reġjuni li kellhom l-ikbar suċċess, billi dan il-mekkaniżmu jista’ jinċentiva lil dawk li jfasslu l-politika biex jistabbilixxu objettivi modesti ħafna li jistgħu jintlaħqu faċilment, bil-għan li jkollhom aċċess għal riżorsi addizzjonali, u dan jista’ jħeġġeġ l-iżvilupp ta’ proġetti mhux ambizzjużi u tinqata’ qalb min jimmira lejn l-innovazzjoni; għalhekk jappoġġja l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u jittama li l-Kunsill jibdel l-opinjoni tiegħu dwar dan il-punt; ifakkar fil-proposta tiegħu għal “riżerva ta’ flessibilità” magħmula minn riżorsi ta’ diżimpenn awtomatiku li jintużaw biex jiffinanzjaw inizjattivi esperimentali, li dwarha jista’ jintlaħaq kompromess bejn iż-żewġ koleġislaturi;

30.

jaqbel bis-sħiħ mal-approċċ meħtieġ għal qafas ta’ ġestjoni ġdid imsejjes fuq ir-riżultati, u konsegwentement, mal-importanza li tingħata ’l kejl tal-prestazzjoni. Madankollu jaħseb li jinħtieġu regoli flessibbli, li jippermettu li r-riżultati jitqiesu fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika partikolari ta’ kull reġjun; barra minn hekk, jafferma mill-ġdid l-oppożizzjoni tiegħu għal kull sanzjoni finanzjarja marbuta mal-qafas ta’ prestazzjoni;

Għal sħubija effettiva mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

31.

japprova l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli u parteċipazzjoni iktar qawwija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-preparazzjoni, in-negozjar u l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni matul il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

32.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Parlament Ewropew biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitqiegħdu fuq l-istess livell bħall-gvernijiet nazzjonali fit-tfassil ta’ “Kuntratti ta’ Sħubija” u “Programmi Operattivi”, b’rispett lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

33.

jistenna li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti bis-sħiħ fit-tfassil ta’ “Kuntratti ta’ Sħubija” sabiex iwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ approċċ minn isfel għal fuq u integrat lejn l-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali; isejjaħ lill-Istati Membri biex jibdew jaħdmu fuq l-ippjanar strateġiku tal-Politika ta’ Koeżjoni sabiex ikunu lesti jibdew l-ipprogrammar tal-Fondi tal-QSK mill-1 ta’ Jannar 2014; f’dan ir-rigward, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex timmonitorja mill-qrib it-tfassil ta’ dawk il-kuntratti billi jiġi evitat approċċ minn fuq għal isfel u settorjali lejn l-ipprogrammar;

34.

għaldaqstant jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi mfassla, għall-ewwel darba, Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (ECPP); jiddispjaċih ħafna li l-Kunsill jirrifjuta għodda bħal din, li għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tas-sħubijiet fl-Istati Membri kollha u jitlob lil dawk l-Istati Membri mhux ħerqana biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjonijiet tagħhom dwar l-ECPP, għax dan jagħti sinjal negattiv dwar ir-rieda tagħhom li jikkooperaw ma’ msieħba leġittimi;

Arkitettura li tqis id-differenzi territorjali

35.

jafferma mill-ġdid l-appoġġ ċar tiegħu għall-kategorija ġdida ta’ “reġjuni ta’ tranżizzjoni” u jappoġġja lill-Parlament Ewropew fin-negozjati interistituzzjonali attwali; jitlob lill-Presidenza tal-Kunsill biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha dwar din il-kwistjoni sa tmiem in-negozjati, billi din il-kategorija ġdida tissodisfa parzjalment l-objettiv ta’ koeżjoni territorjali billi toffri appoġġ iktar ekwitabbli lir-reġjuni kollha;

36.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Parlament Ewropew biex tinħoloq sistema ta’ sigurtà oħra ta’ erbgħa minn kull ħamsa tal-allokazzjoni għall-2007-2013 lil “reġjuni Stati Gżejjer uniċi eliġibbli għall-Fond ta’ Koeżjoni fl-2013” u għar-“reġjuni ultraperiferiċi” li mhux se jibqgħu jagħmlu parti mill-kategorija ta’ reġjuni inqas żviluppati wara l-2013;

37.

ifakkar fil-ħtiġijiet u l-isfidi ta’ reġjuni ultraperiferiċi u ta’ dawk b’popolazzjoni baxxa u jitlob li jiġu allokati għalihom riżorsi baġitarji suffiċjenti u proporzjonali sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll l-integrazzjoni aħjar tagħhom fis-Suq Uniku; għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon l-intensità ikbar tal-għajnuna għar-reġjuni ultraperiferiċi (minn EUR 20 għal 30 għal kull abitant) kif propost fl-abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2012;

38.

jinsisti dwar il-fatt li t-Trattat ta’ Lisbona żied il-koeżjoni territorjali fl-objettiv ta’ politika tal-koeżjoni ekonomika u soċjali u jesprimi d-dubji tiegħu dwar in-nuqqas ta’ referenza għal din id-dimensjoni territorjali, kif ukoll għar-reġjuni li għaddejjin minn tibdil industrijali, u reġjuni gżejjer, b’popolazzjoni baxxa, muntanjużi jew ultraperiferiċi fir-rapport tal-kumitat EMPL dwar l-abbozz tar-regolament tal-FSE;

Konċentrazzjoni tematika: lejn iktar flessibilità

39.

jilqa’ b’sodisfazzjon approċċ iktar flessibbli għall-konċentrazzjoni tematika fl-Istrateġija Ewropa 2020, kif adottat mill-kompromessi tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill; ifakkar fl-objettivi politiċi ewlenin tat-Trattat (koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali) u l-ħtieġa li jitqiesu iżjed id-differenzi u l-isfidi nazzjonali u reġjonali li ġew appoġġati miż-żewġ leġislaturi;

40.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni tal-objettivi tematiċi u l-prijoritajiet ta’ investiment kif dikjarati fit-testi għal mandat tal-Parlament Ewropew li jirrigwardaw l-abbozz tar-regolamenti tal-FEŻR u tal-ETC, kif ukoll fil-kompromessi adottati mill-Presidenza tal-Kunsill dwar il-blokk ta’ “konċentrazzjoni tematika”; madankollu ifakkar fl-importanza li tingħata l-ikbar attenzjoni lit-temi marbuta mal-iżvilupp tal-patrimonju kulturali u tat-turiżmu; min-naħa l-oħra jiddispjaċih li r-rapport tal-kumitat EMPL dwar l-FSE ma jipproponi l-ebda tnaqqis fil-perċentwal ta’ konċentrazzjoni proposti mill-Kummissjoni Ewropea, għall-kuntrarju tas-suġġeriment tal-KtR;

41.

jilqa’ b’mod partikolari l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-estensjoni tal-qasam tal-ICT għar-reġjuni kollha sabiex jinkludi infrastruttura bażika, iżda jiddispjaċih li l-Kunsill qed jibqa’ sieket dwar din il-kwistjoni; għaldaqstant jitlob lill-Istati Membri biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom dwar din il-kwistjoni, billi netwerks ta’ veloċità għolja tal-ICT għadhom neqsin f’ħafna żoni rurali remoti, anke f’reġjuni iktar żviluppati;

42.

jilqa’ l-fatt li l-Kunsill neħħa l-konċentrazzjoni tematika imposta mill-Kummissjoni Ewropea fl-allokazzjoni speċifika għar-reġjuni ultraperiferiċi fir-Regolament tal-FEŻR, u jittama li l-Parlament Ewropew jimmodifika l-mandat ta’ negozjar tiegħu f’dan ir-rigward biex jallinja ruħu mal-pożizzjoni tal-Kunsill fid-dawl tan-negozjati interistituzzjonali attwali;

Fond Soċjali Ewropew

43.

itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma, u jridu jibqgħu jkunu, atturi ewlenin fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-FSE, u għalhekk jirrifjuta l-konsiderazzjoni inkluża fir-rapport tal-kumitat EMPL li tgħid li l-Istati Membri għandhom jibqgħu “intermedjarji prinċipali” tal-politiki kollha tal-FSE meta wieħed iqis l-importanza tal-politiki nazzjonali ta’ impjieg;

44.

itenni t-talba tiegħu għal referenza fir-regolament tal-FSE għal żoni bi żvantaġġi naturali u demografiċi simili għal dik prevista fl-Artikolu 10 tal-abbozz ta’ regolament dwar il-FEŻR, kif ukoll għar-reġjuni ultraperiferiċi; jenfasizza l-ħtieġa biex tiġi estiża l-kooperazzjoni territorjali taħt l-FSE għal kooperazzjoni transkonfinali u interreġjonali flimkien mal-kooperazzjoni transnazzjonali;

45.

jiddispjaċih għat-tnaqqis propost fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22-23 ta’ Novembru fil-baġit tal-programm ta’ għajnuna ta’ ikel għall-persuni l-iżjed fqar (EUR 2,1 minflok 2,5 biljun); isejjaħ għal separazzjoni ċara tal-programm mill-FSE u jinsisti fuq allokazzjoni ta’ riżorsi adegwati trasferita mill-intestatura 2 tal-QFP (PAK);

Lejn “Kunsill għall-Politika ta’ Koeżjoni” formali

46.

jilqa’ u jappoġġja l-proposta tal-Presidenza Ċiprijotta biex jinħoloq “Kunsill għall-Politika ta’ Koeżjoni” formali li jkun “magħmul minn Ministri responsabbli għall-Politika ta’ Koeżjoni”; il-KtR ilu żmien twil jisħaq favur laqgħa formali bħal din, peress li tagħti iktar viżibilità u tiżgura dibattitu politiku kontinwu dwar il-Politika ta’ Koeżjoni; jixtieq jipparteċipa b’mod attiv fid-diskussjonijiet politiċi ta’ Kunsill formali, billi dan jaffettwa l-interessi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE, li huma kkonċernati u involuti b’mod dirett fl-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni fil-prattika;

47.

jiddispjaċih li qed ikompli jiġi impost l-isforz tal-prefinanzjament tal-investimenti fuq l-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali li jgawdu mill-awtorità ta’ ġestjoni. Dan jimplika sforz finanzjarju diffiċli fis-sitwazzjoni attwali ta’ restrizzjonijiet fuq is-swieq finanzjarji. Jekk jiġi impost il-prinċipju tal-prefinanzjament tal-investimenti, l-Unjoni Ewropea ser titlef opportunità unika biex tinjetta riżorsi finanzjarji maħsubin b’mod speċifiku għall-impuls ekonomiku u t-tibdil strutturali, u b’hekk tipprovdi avvanzi tar-riżorsi aktar qawwija li jippermettu l-finanzjament bir-ritmu neċessarju biex jibdew jinkisbu r-rimborżi;

Ġestjoni Finanzjarja tal-Programmi Operattivi

48.

fir-rigward tar-regolamentazzjoni dwar il-ġestjoni u l-kontroll, il-Kumitat ma jaqbilx ma’ kif tiġi ttrattata t-taxxa fuq il-valur miżjud, peress li l-eliġibilità tagħha bħala spiża operattiva tiġi limitata għal każijiet partikolari ħafna li fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni ma jkunx possibbli li titqies bħala nefqa eliġibbli. Fil-prattika, dan jimplika tnaqqis reali fir-rata ta’ kofinanzjament tal-fondi li jista’ jitla’ sa 23 %;

49.

jaqbel li tinżamm ir-regola N+3 fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020;

50.

jaqbel li l-kategoriji kollha ta’ infiq ikunu eliġibbli għall-VAT meta din it-taxxa ma tkunx tista’ tiġi rkuprata mill-benefiċjarji.

Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Ara CdR 2263/2012 fin.

(2)  Ara CdR 1777/2012 fin (relatur: Mercedes Bresso (IT/PSE)).

(3)  Ara l-Opinjoni dwar “Inkejlu l-progress lil hinn mill-PDG”, CdR 163/2010 fin (relatur: Vicente Alvarez Areces (ES/PSE)).


2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/8


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Futur sostenibbli għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM)”

2013/C 62/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI (KtR)

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet finali tal-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta’ Diċembru 2012;

wara li kkunsidra r-rapport “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina” imħejji mill-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy flimkien mal-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Eurogroup (5 ta’ Diċembru 2012);

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Pjan ta’ Azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina (COM (2012) 777/2 – 28 ta’ Novembru 2012)”;

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Novembru 2012 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina”;

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 2013 dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM – 2011 u 2012;

1.

jenfasizza li t-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) fl-Istati Membri huwa essenzjali biex jiġu żgurati t-tkabbir sostenibbli, il-progress soċjali u aktar integrazzjoni politika fi ħdan l-UE;

2.

jiddispjaċih li numru ta’ kwistjonijiet ta’ politika baġitarja u ekonomika enfasizzati mill-Kummissjoni Ewropea fil-Pjan ta’ Azzjoni għal UEM profonda u ġenwina u fir-rapport imħejji mill-President tal-Kunsill Ewropew flimkien mal-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro ma ġewx aċċettati fil-konklużjonijiet finali tal-Kunsill Ewropew u ġew posposti għall-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2013;

3.

jitlob lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex ikun involuti fil-proċess tas-Semestru Ewropew fil-livell tal-Istat Membru, u biex il-KtR ikun involut fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE, għaliex il-governanza fiskali tfisser ukoll governanza ekonomika fil-livelli lokali u reġjonali. Biex il-governanza fiskali taħdem b’mod effettiv, hemm bżonn li t-tqassim tar-responsabbiltà bejn l-UE, l-Istati Membri u l-livell lokali u reġjonali jkun ċar u mingħajr ambigwità;

4.

jenfasizza li d-deċiżjonijiet Ewropej marbuta mal-UEM għandhom impatt konsiderevoli mhux biss fuq il-finanzi nazzjonali imma anke fuq dawk sottonazzjonali. Jisħaq li, f’dan il-kuntest, l-awtonomija fiskali fil-livell sottonazzjonali hija garantita, fost oħrajn, mill-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; għaldaqstant isejjaħ għal sinerġiji akbar bejn il-baġits tal-UE, tal-Istati Membri u dawk sottostatali.

5.

ifakkar, f’dan il-kuntest, l-appell li għamel il-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni (1) biex “tindirizza bis-sħiħ”, fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tagħha li jmiss, “ir-rwol tal-baġit tal-UE fil-proċess tas-Semestru Ewropew billi tipprovdi data fattwali u konkreta dwar l-effetti li jqanqlu bidla, katalitiċi, sinerġetiċi u kumplimentari fuq in-nefqa pubblika ġenerali fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali”;

6.

Itenni l-appoġġ tiegħu għas-sejħa tal-Parlament Ewropew biex l-Istati Membri jikkunsidraw li jiffirmaw il-“Patt dwar l-Investiment Soċjali” ibbażat fuq il-mudell tal-“Patt Euro Plus”. Dan għandu jistabbilixxi miri għall-investiment soċjali li l-Istati Membri jkollhom jadottaw sabiex jilħqu l-objettivi dwar l-impjieg, dawk soċjali u tal-edukazzjoni taħt l-Istrateġija 2020;

7.

jisħaq li l-isforzi biex tingħeleb il-kriżi ekonomika issa għandhom jiġu ffukati fuq l-iżvilupp tal-mekkaniżmi l-ġodda li diġa nqablu u biex jiġi żgurat li dawn jaħdmu tajjeb, u biex jiġu kkunsidrati l-livelli lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew;

8.

jilqa’ l-fatt li l-konklużjonijiet (2) tal-Kunsill Ewropew jisħqu li “il-possibilitajiet offruti mill-qafas baġitarju eżistenti tal-UE biex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina baġitarja” għandhom jiġu “sfruttati” aktar taħt il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan l-objettiv isir aktar ċentrali fl-isfond tas-sejbiet riċenti tal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar il-fatt li l-hekk imsejħa multiplikaturi fiskali, u li jkejlu l-impatt negattiv tal-konsolidament baġitarju fuq it-tkabbir, kienu “sostanzjalment ogħla” minn kif mistenni mill-analisti matul il-kriżi tad-dejn. Jistenna għalhekk li l-Kummissjoni tindirizza aktar il-kwistjoni fi ħdan il-komunikazzjoni li tħabbret dwar il-kwalità tal-infiq pubbliku li għandha tikkunsidra, fost oħrajn, il-kwistjoni dwar l-għażla tal-infiq kurrenti mill-investiment fejn jidħlu kalkoli dwar id-defiċit tal-baġit biex jiġi evitat li jinżammu lura dawk l-investimeti pubbliċi li għandhom benefiċċji fuq il-perjodu twil;

Qafas finanzjarju integrat

9.

jenfasizza li d-dgħufija tas-settur bankarju f’diversi Stati Membri u fl-Unjoni kollha kemm hi, thedded il-finanzi pubbliċi b’impatt partikolari fil-livelli reġjonali u lokali, u jiddispjaċih li l-ispejjeż għall-ġestjoni tal-kriżi bankarja waqgħu prinċipalment fuq dawk li jħallsu t-taxxa u dan qed jagħmel ħsara lit-tkabbir tal-ekonomija reali;

10.

jenfasizza, li kwalunkwe miżura meħuda fil-kuntest ta’ Unjoni Bankarja għandha tiġi akkumpanjata minn titjib fit-trasparenza u l-kontabilità għax il-miżuri jista’ jkollhom effetti profondi fuq il-finanzi pubbliċi, kemm fil-livell tal-Istat Membru u dak lokali u reġjonali, kif ukoll fuq il-banek u ċ-ċittadini;

11.

jilqa’ l-ftehim mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar Mekkaniżmu Superviżoru Uniku bħala qafas regolatorju għall-banek fl-Unjoni Ewropea u jenfasizza, f’dan il-kuntest, ir-rwol tal-banek reġjonali biex jipprovdu l-kapital għall-SMEs kif ukoll għall-proġetti ta’ investiment pubbliku maħsuba għall-iżvilupp territorjali;

12.

jappoġġja l-proposti għal Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni u għal Direttiva dwar l-Iskema ta’ Garanzija tad-Depożiti u jaqbel li dawn għandhom jiġu adottati bi prijorità; jenfasizza madankollu li huwa meħtieġ li r-regoli introdotti minn din il-leġislazzjoni, partikolarment is-sistema ta’ monitoraġġ u kontroll, ikunu proporzjonali;

13.

jikkunsidra li l-għan għall-perjodu twil fir-rigward tal-qafas Ewropew uniku tad-depożiti jitlob li jkun hemm rekwiżiti uniformi, komuni u strinġenti li jieħdu biżżejjed kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi fis-settur finanzjarju;

14.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta minnufih segwitu leġislattiv għar-rapport Liikanen (3) dwar is-separazzjoni ġudizzjarja ta’ ċerti attivitajiet finanzjarji partikolarment riskjużi minn banek ta’ depożitu fi ħdan il-grupp bankarju;

15.

isaqsi lill-Kummissjoni r-raġuni għalfejn ipposponiet l-impenn tagħha biex tippreżenta rapport dwar it-twaqqif ta’ aġenzija Ewropea tal-klassifikazzjoni tal-kreditu indipendenti għall-aħħar tal-2016;

Qafas finanzjarju integrat

16.

jaqbel li l-UEM għandha bżonn tkun akkumpanjata minn regoli xierqa għall-politka baġitarja, u, f’dan ir-rigward, jappoġġja l-adozzjoni rapida tat-“two-pack” sabiex jikkumplimenta is-“six-pack” u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG, ‘Patt Fiskali’), li daħlu fis-seħħ kmieni fl-2013;

17.

jappoġġja l-istedina tal-Parlament Ewropew lill-Istati Membri “biex jiċċaraw ir-responsabbilta, ir-rwol, it-trasferimenti fiskali u s-sors ta’ dħul fil-livelli differenti tal-gvern (nazzjonali, reġjonali u lokali) fil-ħidma tagħhom biex jiżguraw qafas tal-finanzi pubbliċi b’saħħtu u sostenibbli, b’mod partikolari billi jikkkunsidraw l-impatt tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja fuq l-awtonomija fiskali lokali u reġjonali; għaldaqstant jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti b’mod xieraq kemm fl-iżvilupp ulterjuri ta’ dawn ir-regoli u anke fl-implimentazzjoni tagħhom, b’konformità mal-ispirtu tal-governanza fuq diversi livelli;

18.

jiddispjaċih li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ma jsemmux il-bżonn ta’ kapaċità fiskali mmirata biex tappoġġja r-riformi ekonomiċi nazzjonali u biex tassorbi l-iskossi assimetriċi. Il-KtR jinsab konvint li tali kapaċità fiskali hija meħtieġa biex tinkiseb UEM profonda u ġenwina;

19.

jqis li, jekk tiġi introdotta l-kapaċità fiskali, din għandha tkun suġġetta għat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod konġunt u għall-implimentazzjoni fil-livell tal-UEM, però din għandha tkun miftuħa wkoll għal Stati Membri oħra barra ż-żona tal-euro fuq bażi voluntarja;

20.

japprova s-sejħa tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni biex tippreżenta kemm jista’ jkun malajr pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni komuni ta’ strumenti tad-dejn pubbliku;

21.

jassumi li jekk tiddaħħal il-kapaċità fiskali din għandha tiġi trattata separatament mill-QFP fil-perjodu l-qasir u bħala proċedura baġitarja separata u speċifika għall-UEM fil-perjodu twil, u dan bil-kondizzjoni li l-proċeduri tat-Trattat jiġu segwiti u b’hekk jitħarsu t-trasparenza u s-superviżjoni demokratika;

Qafas ta’ politka ekonomika integrat

22.

jikkunsidra li l-Istrateġija Ewropa 2020 hija kruċjali għat-tisħiħ tal-parti ekonomika tal-UEM filwaqt li fl-aħħar snin l-enfasi kienet prinċipalment fuq il-parti monetarja;

23.

jisħaq dwar l-importanza tal-potenzjal għat-tkabbir permezz tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku, sakemm dan jaħdem b’manjiera adegwata u jiffoka fuq oqsma ewlenin fejn hemm lok għall-innovazzjoni u l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità;

24.

jinnota bi pjaċir it-twaqif ta’ mekkaniżmu għal koordinazzjoni, konverġenza u infurzar imsaħħa tal-politiki strutturali bbażati fuq arranġamenti ta’ natura kuntrattwali bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijet tal-UE, bil-kondizzjoni li ma tiġix evitata r-responsabbiltà demokratika. Jaqbel li dawn l-arranġamennti għandhom jiġu konklużi każ b’każ u jinnota bi pjaċir li dawn għandhom jingħataw għajnuna finanzjarja temporanja, immirata u flessibbli. Jissottolinja, f’dan il-kuntest, ir-rwol speċifiku tal-iffinanzjar lokali u reġjonali għall-investimenti, u għalhekk jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-iżvilupp ta’ ftehimiet kuntrattwali, bir-rispett dovut tal-liġijiet nazzjonali;

25.

jaqbel bis-sħiħ li l-politiki ekonomiċi għandhom ikunu mmirati lejn il-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku b’saħħtu, sostenibbli u inklużiv, lejn it-titjib tal-kompetittività u ż-żieda tal-impjiegi sabiex l-Ewropa tibqa’ ekonomija soċjali tas-suq attraenti ħafna, u lejn iż-żamma tal-mudell soċjali Ewropew. Jissottolinja li l-mezzi prinċipali biex jintlaħaq dan l-objettiv huma l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir;

26.

jilqa’ s-suġġeriment biex ir-riformi tal-politika ekonomika kollha li l-Istati Membri jippjanaw biex iwettqu għandhom jiġu diskussi ex-ante u, fejn xieraq, koordinati fost l-Istati Membri. Jenfasizza li fil-livell Ewropew tali diskussjoni għandha tinvolvi l-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi tal-UE u li fil-livell tal-Istati Membri din għandha tinvolvi l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll il-partijiet interessati l-oħra;

27.

jilqa’ l-fatt li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea għall-2012 dwar il-finanzi pubbliċi fl-UEM jiddedika kapitolu għall-finanzi pubbliċi lokali u reġjonali u jitlob li l-Kummissjoni żżomm il-kapaċità tal-analiżi tagħha dwar id-deċentralizzazzjoni fiskali fir-rapporti futuri;

28.

jilqa’ l-proposta tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir biex jinżammu l-ħames prijoritajiet stabbiliti f’Marzu 2012 u jappoġġja l-introduzzjoni ta’ dawn l-elementi li ġejjin:

iż-żieda ta’ dimensjoni reġjonali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li tissottolinja d-dimensjoni lokali u reġjonali tal-Istrateġija Ewropa 2020 u r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tad-diviżjoni tas-setgħat f’kull Stat Membru kemm għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi kif ukoll fit-tħejjija tal-programmi tar-riforma nazzjonali;

l-involviment tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-djalogu kontinwu bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, partikolarment dwar kwistjonijiet marbuta direttament mal-kompetenenzi lokali u reġjonali;

Governanza msaħħa: leġittimità u responsabbiltà demokratika

29.

jenfasizza li hemm bżonn jiġu żgurati d-demokrazija u l-leġittimità fl-iżvilupp tal-UEM. Il-KtR għaldaqstant jilqa’ r-rwol ewlieni previst għall-Parlament Ewropew, l-involviment tal-parlamenti nazzjonali, u jsejjaħ għall-parteċipazzjoni tal-livelli lokali u reġjonali f’dan il-proċess, partikolarment tar-reġjuni li għandhom setgħat leġislattivi u l-parlamenti tagħhom;

30.

jixtieq jara livell ogħla ta’ responsabbiltà demokratika tat-Trojka permezz tas-seduti tas-smigħ tal-membri tagħha mill-Parlament Ewropew;

31.

jinnota li d-diskussjoni dwar l-UEM hija marbuta b’mod qawwi mad-diskussjoni ġenerali dwar il-futur tal-UE, li għaliha l-KtR jixtieq jagħti kontribut sabiex jirrappreżenta l-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE;

32.

jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea u lill-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill tal-UE u lill-Presidenza li ġejja Litwana.

Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew: “Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet għall-2012”.

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 13 u 14 ta’ Diċembru 2012, I. Politka Ekonomika Pt.2

(3)  http://ec.europa.eu/internal_market/bank/docs/high-level_expert_group/report_en.pdf


2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/11


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Garanzija għaż-żgħażagħ”

2013/C 62/03

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 ta’ Diċembru 2012 għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-Twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (COM(2012)0729),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ (2012/2901(RSP)),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ‘Żgħażagħ Attivi’ (COM(2010) 477),

wara li kkunsidra l-Opinjoni rispettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni (CdR 292/2010 fin),

Billi:

il-kriżi ekonomika wasslet biex ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE laħqu livelli għoljin li mhumiex aċċettabbli b’5,7 miljun żgħażugħ ikun bla impjieg,

iż-żgħażagħ li la mhuma f’impjieg, la fl-edukazzjoni u lanqas f’taħriġ (NEETs), bħalissa jilħqu is-7,5 miljun, u jirrappreżentaw nefqa ekwivalenti ta’ 1,2 % tal-PDG tal-UE (1),

Garanzija għaż-Żgħażagħ tikkontribwixxi biex jintlaħqu tlieta mill-ħames miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 billi tikkontribwixxi għat-tnaqqis fir-rati ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola u tal-persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, u żżid l-għadd ta’ persuni li jlestu l-livell terzjarju tal-edukazzjoni.

l-implimentazzjoni ta’ Garazija għaż-Żgħażagħ fiż-żona tal-euro ma tiswiex aktar minn EUR 21 biljun, ammont li jirrappreżenta madwar 0,45 % tal-infiq pubbliku fiż-żona tal-euro (2),

ħafna Stati Membri ma rnexxielhomx jagħtu segwitu lill-appelli tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew li jdaħħlu Garanzija għaż-Żgħażagħ bil-għan li jżidu l-impjieg taż-żgħażagħ,

il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija komponent ewlieni tal-Pakkett għall-Impjieg taż-Żgħażagħ tal-Kummissjoni Ewropea,

jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti spinta ġdida biex il-qgħad fost iż-żgħażagħ jiġi trattat. Din hija problema b’ħafna aspetti li għandha bżonn urġenti ta’ sforz politiku wiesa’ u koordinat; għaldaqstant jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, biex tkun strument ewlieni fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

ifakkar li fl-opinjoni rispettiva tiegħu (3), huwa kien appoġġja bil-qawwi l-mira li ż-żgħażagħ kollha ssirilhom offerta ta’ impjieg, taħriġ vokazzjonali jew taħriġ kontinwu f’università jew kulleġġ, sa erba’ xhur minn meta jitilqu mill-iskola, kif huwa indikat fl-inizjattiva ewlenija ‘Żgħażagħ Attivi’ tal-Istrateġija Ewropa 2020;

jissuġġerixxi li l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, u b’mod aktar partikolari l-komponenti tal-impjieg, l-apprendistati jew l-iskemi ta’ taħriġ tagħhom, jiġu estiżi għal dawk li jkunu gradwaw reċentement sal-età ta’ 30 sena;

jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-oqsma tal-politiki tal-impjiegi, it-taħriġ u l-edukazzjoni kif ġie kkonfermat fil-konferenza li saret mill-KtR dwar l-inizjattiva ewlenija ‘Żgħażagħ Attivi’ tal-istrateġija Ewropa 2020 fit-13 ta’ Diċembru 2012;

jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi tal-Kummissjoni fuq approċċi bbażati fuq sħubijiet għall-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Madankollu jinsisti li dawn is-sħubijiet jiġu żviluppati mill-bidu nett tat-tfassil tal-politika bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha, b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali. S’issa dawn tal-aħħar fil-parti l-kbira tħallew barra mill-proċess relatat mal-istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew, għad-detriment tal-leġittimità demokratika kif ukoll tal-effikaċja tal-miżuri adottati;

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa ta’ intervent u attivazzjoni bikrin fir-rigward tal-impjieg taż-żgħażagħ u jaqbel mal-fehma li l-prinċipju tal-obbligi reċiproċi għandu jiġi applikat mill-bidu nett;

jinsisti li miżuri ta’ appoġġ għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol imfassla fil-kuntest tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandu jkollhom bilfors ħiliet ta’ lingwa, kif ukoll esperjenza ta’ xogħol fil-prattika, li jtejbu l-impjegabbiltà u jsaħħu l-mobbiltà tal-ħaddiema fl-UE;

jisħaq dwar l-importanza li l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jintrabtu mal-mobbiltà taż-żgħażagħ bejn l-Istati Membri u rwol aktar b’saħħtu għall-inizjattiva ewlenija Żgħażagħ Attivi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan ir-rigward. Dawn tal-aħħar spiss jimplimentaw skemi ta’ mobbiltà fil-livell lokali u l-appoġġ tal-UE għal kooperazzjoni aħjar bejn ir-reġjuni tista’ tagħti riżultati aħjar;

jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiddaħħal karta professjonali Ewropea, bil-għan li jiġu ssemplifikati l-proċeduri tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. F’dan il-kuntest jinsisti li l-iskemi ta’ taħriġ li jagħmlu parti mit-taħriġ għal professjoni regolata, irrispettivament minn jekk humiex imħallsa, għandhom jiġu rikonoxxuti fl-UE kollha u jiġu regolati b’kuntratt. Dan hu importanti għaż-żgħażagħ Ewropej, li huma milquta b’mod allarmanti mill-qgħad u li għalihom il-mobbiltà okkupazzjonali hija mod realistiku kif jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol;

jisħaq fuq l-importanza li ż-żgħażagħ jiġu sensibilizzati dwar il-possibbiltà li jagħmlu xi żmien ta’ studju, taħriġ jew impjieg fi Stati Membri oħra; dawn l-esperjenzi jista’ jkollhom rwol fundamentali fit-tisħiħ tal-ispirtu ta’ indipendenza tal-individwi u s-sens ta’ responsabbiltà għalihom innifishom, filwaqt li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ideat ġodda u innovattivi;

jenfasizza li l-UE għandha tassigura li l-programmi ta’ mobbiltà jkunu aċċessibbli bl-istess kundizzjonijiet għaż-żgħażagħ kollha, u b’hekk jirrakkomanda li jiġi offrut appoġġ lir-reġjuni b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħaż-żoni rurali u b’popolazzjoni baxxa, u b’mod partikolari r-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer;

jinnota, madankollu, li l-mod fundamentali sabiex jiżdied l-impjieg taż-żgħażagħ huwa li jitħeġġeġ il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fil-livelli kollha ta’ kwalifiki, mhux biss fis-setturi li jeħtieġu kwalifiki ta’ livell għoli;

jenfasizza li waħda mill-għodod importanti hija l-ħolqien u l-appoġġ tas-sistema edukattiva doppja, fejn tiġi stabbilita relazzjoni bejn l-istudenti u dawk li ser jimpjegawhom fil-futur sa mill-bidu tal-istudji tagħhom;

jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri li jsaħħu l-ħiliet u l-kompetenzi jiġu ffukati biex jindirizzaw id-differenzi bejn il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u l-offerta tal-ħiliet; għal dan il-għan, l-edukazzjoni kontinwa, l-apprendistati u l-iskemi ta’ taħriġ iridu jkunu ankrati fis-sod fil-mira tal-impjieg; barra minn hekk, huwa importanti r-rwol li għandhom dawk li jħaddmu fl-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex jipprovdu opportunitajiet ta’ żvilupp fil-karriera;

fil-kuntest tat-tisħiħ tal-ħiliet fl-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni stabbilixxa l-premju tat-tikketta ‘Reġjun Intrapreditorjali Ewropew (EER). Waħda mill-miri ewlenin tat-tikketta hija l-promozzjoni ta’ spirtu intraprendenti u l-implimentazzjoni ta’ politiki li jiffavorixxu n-negozji li jwasslu għall-ħolqien ta’ impjiegi. Reġjuni EER iffukaw b’mod partikolari fuq li jħeġġu liż-żgħażagħ biex isiru intraprendituri;

jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi tal-Kummissjoni fuq impjiegi ta’ kwalità filwaqt li rrakkomandat li l-Istati Membri jassiguraw li l-iskemi tagħhom ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ ikun fihom offerta ta’ impjiegi ta’ kwalità tajba. Barra minn hekk, il-kriżi ekonomika m’għandhiex tintuża bħala skuża biex jillaxxkaw ir-rekwiżiti ta’ saħħa u sigurtà okkupazzjonali. Huwa jenfasizza li l-impjegati għandu jkollhom ċerta protezzjoni soċjali bażika, iżda huwa fil-livell nazzjonali li l-imsieħba soċjali jikkonkludu ftehimiet dwar kwistjonijiet relatati mal-liġi tax-xogħol. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu involuti b’mod sħiħ fit-tfassil ta’ qafas ta’ kwalità għall-impjiegi li jiġu offruti fl-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Il-Kumitat jenfasizza wkoll li ż-żgħażagħ huma ferm aktar esposti għall-faqar kif ġie kkonfermat fil-valutazzjoni tal-2012 li għamlet il-Kummissjoni Ewropea dwar l-Impjieg u l-Iżviluppi Soċjali (4);

iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvolvu mill-qrib lil dawk li jħaddmu anke mis-settur privat fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex iż-żgħażagħ jiġu offruti b’kemm jista’ jkun opportunitajiet;

jisħaq li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa partikolarment għoli fl-Istati Membri li fihom qed jitwettqu restrizzjonijiet baġitarji ħorox. Għalhekk jaqbel li għal dawn l-Istati Membri jkun hemm appoġġ iffukat kontinwu, b’miżuri finanzjarji addizzjonali jekk ikunu meħtieġa, biex ikampaw mal-isfida li jintroduċu u jimplimentaw l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-livell nazzjonali kif previst pereżempju fil-Patt ta’ Tkabbir ta’ Ġunju 2012;

jaqbel li fl-assenza ta’ fondi speċifiċi previsti mill-Kummissjoni Ewropea għall-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-inizjattiva għandha tiġi kofinanzjata bl-użu tal-istrumenti tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew; għalhekk iwissi kontra xi tnaqqis mill-baġit tal-Politika ta’ Koeżjoni fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020;

jappella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri ħalli jiżguraw li l-Ftehimiet ta’ Sħubija futuri dwar il-politika ta’ koeżjoni jindirizzaw b’mod adegwat il-qgħad fost iż-żgħażagħ b’mod partikolari u jiffaċilitaw ukoll l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, bl-użu tal-allokazzjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew fl-implimentazzjoni ta’ prattiki tajbin u approċċi innovattivi li diġà qed jitwettqu f’xi pajjiżi oħra;

jappella lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jistabbilixxu l-koordinazzjoni neċessarja bejn is-servizz tal-impjieg u l-amministraturi fl-edukazzjoni bil-għan li ż-żgħażagħ li jabbandunaw is-sistema edukattiva kmieni u jsibu ruħhom bla xogħol ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi Ewropej allokati għall-miżuri għat-taħriġ u għaż-żgħażagħ, speċjalment bil-għan li jitħeġġeġ il-ksib ta’ ħiliet fil-kuntest ta’ edukazzjoni li tagħti opportunità oħra;

jappella lill-Istati Membri li jressqu l-Pjani Nazzjonali dwar l-Impjiegi 2013 li fihom ikun hemm ukoll il-progress li sar lejn l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni tal-Garanziji għaż-Żgħażagħ;

iħeġġeġ li l-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ jiddaħħlu u jiġu implimentati sa mhux aktar tard minn Jannar 2014;

jagħraf li l-garanzija ta’ impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ ma tistax tinkiseb mingħajr titjib fis-sitwazzjoni ekonomika globali. Għalhekk, jappella lill-Istati Membri li jadottaw politiki mmirati li jsaħħu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi b’mod ġenerali, u li permezz tagħhom iż-żgħażagħ qiegħda li jkunu telqu mis-sistema edukattiva mingħajr ċertifikati jkunu jistgħu jiksbu ħiliet, flimkien ma’ miżuri marbutin mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. F’dan il-kuntest, jilqa’ l-integrazzjoni ta’ din l-inizjattiva fl-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew;

jappella lill-Istati Membri li jagħtu widen lir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jiżguraw l-akbar sensibilizzazzjoni possibbli dwar is-servizzi u l-miżuri ta’ appoġġ il-ġodda li jinsabu fl-iskemi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, qasam li fih il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali hija kruċjali minħabba fir-rwol attiv tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-iskemi;

jappella lill-Kummissjoni Ewropea li toħloq mekkaniżmu effikaċi biex jassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, fosthom l-iskambju tal-aħjar prattiki u ta’ esperjenzi, u jitlob li l-KtR jieħu sehem f’dan il-proċess;

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel il-proposta ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ waħda mill-prijoritajiet ta’ komunikazzjoni tagħha fl-2013 u li l-mezzi ta’ komunikazjoni soċjali jintużaw b’mod wiesa’ għal dan l-iskop;

jagħti istruzzjonijiet lill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Presidenza Irlandiża tal-UE u lill-Presidenza tal-Kunsill li ġejja, dik Litwana.

Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Ara r-rapport tal-Eurofund “NEETs- Young people not in employment, education or training: Characteristics, costs and policy responses in Europe” [NEETs – Żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ: karatteristiċi, spejjeż u risposti ta’ politika fl-Ewropa]: http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2012/54/en/1/EF1254EN.pdf.

(2)  Studju tal-ILO/l-Istitut Internazzjonali għall-Istudji dwar ix-Xogħol bl-isem “EuroZone job crisis: trends and policy responses” [Il-kriżi tal-impjiegi fiż-żona tal-euro: tendenzi u risposti ta’ politika], 2012, http://www.ilo.org/global/research/publications/WCMS_184965/lang–en/index.htm.

(3)  CdR 292/2010 fin

(4)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-13-5_mt.htm


OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Id-99 sessjoni plenarja tal-31 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar 2013

2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/14


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Żona Ewropea tar-Riċerka”

2013/C 62/04

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tirreaġixxi fuq talba tal-Kunsill u tipprovdi qafas biex jissaħħu l-isforzi sabiex sal-2014 titlesta, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER)) titlesta;

jaqbel mal-fehma li l-għarfien huwa l-munita tal-ekonomija l-ġdida. Għalhekk jaqbel li kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ klassi dinjija, imsejsa fuq bażi soda ta’ xjenza pubblika, hija kruċjali biex jinkiseb irkupru ekonomiku dejjiemi u biex tiġi żgurata l-pożizzjoni tal-Ewropa bħala attur fil-livell dinji;

jenfasizza li t-tlestija taż-ŻER hija meħtieġa biex jingħelbu l-frammentazzjoni tar-riċerka fl-Ewropa u l-ostakli nazzjonali u istituzzjonali. Mingħajr l-ebda dubju, din il-frammentazzjoni żżomm lill-Ewropa milli tilħaq il-potenzjal tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni - prezz għoli għall-Ewropej bħala kontributuri tat-taxxa, bħala konsumaturi u bħala ċittadini. F’dan ir-rigward, issa hemm bżonn ta’ iktar għanijiet u għanijiet immirati;

jappella lill-Kummissjoni biex tippromovi l-kooperazzjoni interreġjonali fi ħdan l-Orizzont 2020 billi tiżviluppa għodod u inċentivi effettivi. F’dan il-kuntest, il-gvernijiet lokali u l-awtoritajiet reġjonali jistgħu jaqdu rwol ta’ appoġġ u koordinazzjoni (iwaqqfu netwerks ta’ riċerka u innovazzjoni, jipprovdu appoġġ tekniku u amministrattiv kif ukoll inċentivi għall-finanzjament mis-settur privat), bil-għan li jippromovu r-riċerka u jagħmlu użu mir-riżultati tal-għarfien u l-innovazzjoni;

Relatur

Is-Sur ZAFEIROPOULOS (EL/PPE), Kunsillier tar-Reġjun ta’ Attica

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir

COM(2012) 392 final

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Żona Ewropea tar-Riċerka

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.    Messaġġi ewlenin

1.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tirreaġixxi fuq talba tal-Kunsill u tipprovdi qafas biex jissaħħu l-isforzi sabiex sal-2014 titlesta ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER);

2.

jaqbel mal-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Frar 2011 u Marzu 2012 li hemm bżonn urġenti li ż-ŻER titwettaq sal-2014;

3.

japprezza li l-leġislazzjoni għat-tlestija taż-ŻER tista’ tkun meqjusa utli għall-oqsma parzjali (pereżempju l-koordinazzjoni tal-politiki nazzjonali u tal-UE skont l-Artikolu 181 tat-TFUE, il-promozzjoni ta’ azzjonijiet biex jinfirxu r-riżultati tar-riċerka skont l-Artikolu 180, flimkien mal-Artikolu 182(5) tat-TFUE);

4.

iqis li fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali, it-tlestija ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka li tiffoka fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni bbażata fuq ir-riċerka hija kruċjali biex jiġu appoġġjati t-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, l-eċċellenza xjentifika u l-koeżjoni fost ir-reġjuni u l-pajjiżi;

5.

jaqbel mal-fehma li l-għarfien huwa l-munita tal-ekonomija l-ġdida. Għalhekk jaqbel li kapaċità ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ klassi dinjija, imsejsa fuq bażi soda ta’ xjenza pubblika, hija kruċjali biex jinkiseb irkupru ekonomiku dejjiemi u biex tiġi żgurata l-pożizzjoni tal-Ewropa bħala attur fil-livell dinji;

6.

jenfasizza li kemm l-implimentazzjoni tal-Orizzont 2020 kif ukoll taż-ŻER iridu jiffokaw iktar fuq prattiki (1) bbażati fuq ir-realtà, b’impatt ikbar fuqhom, jiġifieri l-livelli lokali u reġjonali jieħdu impenn u jkunu involuti kompletament biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

7.

jenfasizza li ż-ŻER ser ittejbilna ħajjitna billi l-Ewropa ssir post li fih ir-riċerka xjentifika, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku jiffjorixxu u jindirizzaw l-isfidi ewlenin ta’ żminijietna. Sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta’ valur ibbażat fuq l-għarfien, il-kooperazzjoni bejn id-dinja akkademika, il-kumpaniji u l-gvern trid tissaħħaħ;

8.

jaqbel li l-potenzjal tar-reġjuni kollha għall-eċċellenza għandu jiġi sfruttat u li hemm bżonn approċċi ġodda li jgħinu lir-reġjuni u l-Istati Membri bi prestazzjoni dgħajfa jiksbu l-eċċellenza u l-ispeċjalizzazzjonijiet intelliġenti reġjonali;

9.

jenfasizza li t-tlestija taż-ŻER hija meħtieġa biex jingħelbu l-frammentazzjoni tar-riċerka fl-Ewropa u l-ostakli nazzjonali u istituzzjonali. Mingħajr l-ebda dubju, din il-frammentazzjoni żżomm lill-Ewropa milli tilħaq il-potenzjal tagħha fir-riċerka u l-innovazzjoni – prezz għoli għall-Ewropej bħala kontributuri tat-taxxa, bħala konsumaturi u bħala ċittadini. F’dan ir-rigward, issa hemm bżonn ta’ iktar għanijiet u għanijiet immirati;

10.

jaqbel li l-miżuri għandu jkollhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni fost ir-riċerkaturi u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u jisfruttaw is-sinerġiji transkonfinali bejn is-sistemi ta’ riċerka nazzjonali u reġjonali, billi jiffaċilitaw il-karrieri fir-riċerka, il-mobbiltà u ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-għarfien;

11.

jemmen ħafna li waħda mill-miri ewlenin taż-ŻER għandha tkun li jitnaqqas l-eżodu ta’ mħuħ, b’mod partikolari mir-reġjuni li għadhom lura fir-riċerka, u anke d-disparitajiet reġjonali mifruxa fil-prestazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni mmirati, bil-għan tal-eċċellenza fl-Ewropa kollha fejn jitqies il-potenzjal għall-innovazzjoni. Għalhekk huwa importanti li l-aġenda Ewropea tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-istrateġiji tal-innovazzjoni nazzjonali u reġjonali jkunu jorbtu ma’ xulxin;

12.

jilqa’ l-mira tal-Kunsill Ewropew li jittejbu l-kundizzjonijiet għar-riċerka u l-iżvilupp u li l-investiment pubbliku u privat konġunt fir-Riċerka u l-Iżvilupp jiżdied għal 3 % tal-PDG tal-UE. Madankollu, għandu jiġi rikonoxxut li l-Ewropa għadha lura fil-kummerċjalizzazzjoni tal-eċċellenza meta mqabbla ma’ partijiet oħra tad-dinja. Ir-rwol tal-SMEs bħala l-mutur tal-innovazzjoni għalhekk ma jistax jiġi enfasizzat iż-żejjed;

13.

jemmen li l-istrumenti ta’ koeżjoni jistgħu jsaħħu l-iżvilupp tal-eċċellenza u l-bini tal-kapaċità biex jagħtu spinta lill-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-livell reġjonali. Dan jippermetti li tiġi żviluppata “triq għall-eċċellenza”, biex b’hekk dawn ir-reġjuni jkunu jistgħu jieħdu sehem sħiħ fiż-ŻER u jgawdu mis-sorsi finanzjarji tal-Qafas Strateġiku Komuni;

14.

jappella lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-Kunsill u l-Parlament, tiżgura implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-Orizzont 2020, billi tipprovdi regoli u proċeduri li jkunu sempliċi kemm jista’ jkun għall-benefiċjarji;

15.

jirrikonoxxi li l-prijoritajiet taż-ŻER stabbiliti fil-Komunikazzjoni huma definiti sew u l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom ittejjeb il-prestazzjoni u l-effikaċja tar-riċerka tal-Ewropa sal-2014. Madankollu, għandu jkun hemm l-involviment sħiħ u enerġetiku fis-sħubija rinfurzata min-naħa tal-Istati Membri, il-partijiet interessati fil-qasam tar-riċerka u l-organizzazzjonijiet Ewropej, u anki l-Kummissjoni, biex jiġi żgurat li t-tlestija taż-ŻER toħroġ fid-dieher l-eċċellenza li għandha l-Ewropa billi jitrawmu l-effiċjenza, il-kwalità u l-opportunitajiet ġodda bbażati fuq il-bżonnijiet tal-Unjoni;

16.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li tiżgura s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet bejn l-Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali u biex tibni “toroq għall-eċċellenza” għall-Istati Membri u r-reġjuni bi prestazzjoni iktar dgħajfa li huma iktar vulnerabbli mil-lat ekonomiku u soċjali, abbażi tal-vantaġġi tagħhom bil-għan li tiżdied b’mod sostanzjali l-kapaċità tagħhom għar-riċerka u l-innovazzjoni u jingħalaq id-distakk fil-qasam tal-innovazzjoni tal-Ewropa;

17.

jappella lill-Kummissjoni biex tippromovi l-kooperazzjoni interreġjonali fi ħdan l-Orizzont 2020 billi tiżviluppa għodod u inċentivi effettivi. F’dan il-kuntest, il-gvernijiet lokali u l-awtoritajiet reġjonali jistgħu jaqdu rwol ta’ appoġġ u koordinazzjoni (iwaqqfu netwerks ta’ riċerka u innovazzjoni, jipprovdu appoġġ tekniku u amministrattiv kif ukoll inċentivi għall-finanzjament mis-settur privat), bil-għan li jippromovu r-riċerka u jagħmlu użu mir-riżultati tal-għarfien u l-innovazzjoni;

18.

jenfasizza li r-reġjuni għandhom bżonn iżidu l-kapaċità tagħhom li jibbenefikaw mir-riċerka. Imbagħad il-kompetenzi, il-prattiki u l-għodod żviluppati għandhom jintużaw bħala lieva għar-riżultati tar-riċerka għall-użu madwar l-Ewropa. Dan jista’ jintlaħaq biss billi jissaħħu s-sinerġiji fl-użu tal-istrumenti kollha tal-iffinanzjar Ewropej, bħall-Orizzont 2020, il-politika ta’ koeżjoni kif ukoll ir-riżorsi nazzjonali, reġjonali u lokali (2). Madankollu, l-użu konġunt tar-riżorsi mhuwiex biżżejjed u barra minn hekk jeħtieġ bidliet fil-kultura operattiva u fil-prattiki amministrattivi;

19.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej u/jew reġjonali u nazzjonali għall-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, jintroduċu titjib li jiffaċilita l-allinjament tal-politiki, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ġestjoni, l-armonizzazzjoni tal-proċeduri li jsaħħu s-sistemi komuni tal-ġestjoni li jiffavorixxu l-aċċess taċ-ċittadini għall-politiki u jżidu l-impatt soċjoekonomiku tagħhom;

20.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu u għandhom jaqdu rwol importanti fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi innovattivi, billi jippromovu s-sħubijiet pubbliċi-privati. L-għan ser ikun li jinħolqu iktar impjiegi u tkabbir fil-livell lokali u/jew reġjonali u fl-istess ħin ser jittejbu l-kapaċità u l-effiċjenza tas-settur pubbliku u privat;

21.

jilqa’ l-inizjattivi tad-DĠ Riċerka u Innovazzjoni u d-DĠ REGIO li jiffaċilitaw it-twaqqif ta’ netwerks reġjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni li jistgħu jiġu appoġġjati mill-universitajiet, l-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat;

22.

jinnota li mill-2000 ’l hawn, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għamlu progress flimkien lejn ŻER, imma jenfasizza li dan il-progress ma kienx konsistenti fid-diversi dimensjonijiet taż-ŻER u l-Istati Membri;

23.

iħeġġeġ l-involviment tal-organizzazzjonijiet reġjonali u tal-partijiet interessati fil-qasam tar-riċerka fi ħdan iż-ŻER, fejn dan ikun adatt;

24.

jenfasizza r-rwol importanti tas-settur pubbliku b’mod ġenerali, u b’mod aktar partikolari tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iqarrbu lejn xulxin lill-kumpaniji, l-universitajiet/l-istituti tar-riċerka u l-istituzzjonijiet pubbliċi (b’konformità mal-approċċ tal-ispiral triplu) bil-għan li jiżviluppaw u jimplimetaw b’mod konkret iż-ŻER, u jinnota li r-rwol tas-settur pubbliku għadu ma ġiex ikkunsidrat biżżejjed fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni;

25.

jappella lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati fil-qasam tar-riċerka biex jistabbilixxu u jimplimentaw il-kundizzjonijiet adatti biex tittejjeb l-effikaċja tas-sistemi tar-riċerka tal-Ewropa, biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ewlenin bħall-kooperazzjoni u bħall-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni transnazzjonali, is-suq tax-xogħol għar-riċerkaturi, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku. Il-“kundizzjonijiet” stabbiliti mill-Kummissjoni jidhru li huma suffiċjenti biex il-miri jintlaħqu;

B.    Sistemi nazzjonali tar-riċerka iktar effettivi

26.

jagħraf li l-kompetizzjoni insuffiċjenti fis-sistemi nazzjonali tar-riċerka ma toħloqx il-kundizzjonijiet adatti biex tittejjeb il-kwalità xjentifika. F’dan ir-rigward, il-kompetizzjoni limitata fost l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet qed twassal għal speċjalizzazzjoni insuffiċjenti;

27.

jemmen li t-titjib tal-prestazzjoni tar-riċerka fundamentali, xprunata mill-kurżità hija kruċjali għall-innovazzjonijiet u l-iskoperti meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar. L-Ewropa għandha tagħmel investimenti ffokati sew u strateġiċi fir-riċerka bażika, billi tuża l-eċċellenza xjentifika bħala l-kriterju prinċipali biex jittieħdu d-deċiżjonijiet, b’mod li jkunu jistgħu jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment u l-iżivilupp sostenibbli tal-kompetenzi u l-potenzjal ta’ għarfien lokali u reġjonali;

28.

jaqbel li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jappoġġjaw il-finanzjament kompetittiv billi jagħmlu sejħat għall-proposti u evalwazzjoni istituzzjonali bejn il-pari bħala wieħed mill-metodi ewlenin għall-allokazzjoni tal-fondi nazzjonali u reġjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni; f’ċerti każijiet, m’hemmx bżonn issir evalwazzjoni bejn il-pari għall-allokazzjoni tal-fondi lill-atturi reġjonali għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

29.

jilqa’ l-mira li tressqet fil-Green Paper (pubblikata mill-Kummissjoni fl-2011) li jinsab bilanċ adatt bejn il-finanzjament istituzzjonali u kompetittiv. B’konformità mal-fehmiet li esprima qabel, il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ li d-dibattitu dwar il-bilanċ adatt bejn il-finanzjament istituzzjonali u kompetittiv ikompli għaddej. Il-mod kif jinkiseb dan il-bilanċ huwa ferm importanti għad-dinamika tas-sistema u l-vijabbiltà tad-diversi istituzzjonijiet ta’ riċerka;

30.

jemmen li t-tisħiħ tal-kwota tal-finanzjament prinċipali u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti jippermettu li l-finanzjament jasal ukoll għand il-komunitajiet ta’ riċerka li huma żgħar iżda vitali. Flimkien ma’ unitajiet kbar u programmi teknoloġiċi prinċipali mmexxija minn fuq għal isfel li kapaċi jipprovdu massa kritika, komunitajiet żgħar ta’ taħriġ u riċerka ffukati fuq dixxiplina unika wkoll jistgħu jiġġeneraw kompetittività u innovazzjoni konsiderevoli meta jikkooperaw u joħolqu netwerk b’mod effettiv bħala parti minn katina multidixxiplinari ta’ universitajiet, ċentri ta’ riċerka u kampusijiet, kemm fil-lokal proprju kif ukoll internazzjonalment;

31.

itenni li hemm bżonn jiżdied il-finanzjament prinċipali għall-istituti ta’ riċerka. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu nota ta’ dan u jiżviluppaw mudell ta’ finanzjament tal-infrastruttura tar-riċerka li jqis ukoll il-possibbiltajiet offruti mill-Fondi Strutturali. Għall-komunitajiet ta’ riċerka, finanzjament bażiku msaħħaħ jirrappreżenta l-possibbiltà li jitniedu proġetti ta’ riċerka mill-aktar livell baxx ’il fuq (bottom-up) ibbażati fuq il-bżonnijiet strateġiċi tagħhom filwaqt li jipparteċipaw fi djalogu dinamiku mar-reġjuni u l-bliet fejn ikunu bbażati;

32.

jenfasizza li l-eċċellenza xjentifika bħala l-kriterju ta’ għażla ewlieni u l-prinċipji ċentrali tal-evalwazzjoni internazzjonali bejn il-pari għandhom jiġu applikati meta jiġu allokati l-fondi għall-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni;

33.

jagħraf li l-mudelli tar-riċerka u l-innovazzjoni li kellhom suċċess f’reġjun partikulari ma jistgħux jiġu sempliċement “ikkupjati” u trasferiti lejn reġjuni oħra. Madankollu, jekk il-kundizzjonijiet strutturali, soċjali u kulturali rispettivi jiġu kkunsidrati sew jistgħu jservu ta’ eżempju għall-iżvilupp ta’ mudelli adatti f’reġjuni oħra, inklużi dawk bi prestazzjoni iktar dgħajfa;

34.

mill-ġdid jafferma l-appoġġ tiegħu għall-koordinazzjoni tal-programmi u l-prijoritajiet tar-riċerka reġjonali, nazzjonali u tal-UE, jenfasizza r-responsabbiltà tal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali għar-riċerka u l-innovazzjoni u jkompli jirrifjuta l-aġendi u l-prijoritajiet ta’ riċerka ċentralizzati fil-livell Ewropew;

35.

jistieden lill-Kummissjoni tippromovi t-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-prattiki tajbin u l-esperjenzi bejn l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati dwar it-tneħħija ta’ ostakli nazzjonali legali u/jew oħrajn għaż-ŻER għall-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni. Jemmen li għandhom jitħeġġu linji gwida komuni dwar il-politika xjentifika għall-UE kollha, sabiex jiġu inkoraġġuti u ffaċilitati l-azzjonijiet komuni;

36.

jappella lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri u lir-reġjuni huma u jużaw il-Fondi Strutturali biex jiżviluppaw il-kapaċità għar-riċerka kif ukoll strateġiji adatti għall-innovazzjoni bbażati fuq il-kompetenzi u strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, inkluż l-appoġġ għall-programmi ta’ riċerka konġunti, b’konformità mal-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni;

37.

f’dan ir-rigward jirrikonoxxi li huwa importanti li jiġu identifikati l-aktar oqsma promettenti mil-lat tal-vantaġġ komparattiv li jipprovdu, ħalli jservu ta’ bażi biex jiġu definiti strateġiji intelliġenti ta’ speċjalizzazzjoni reġjonali (3). L-UE għandha tinkoraġġixxi lir-reġjuni sabiex isiru pijunieri innovattivi fl-oqsma ta’ riċerka magħżula tagħhom u sabiex fl-istess ħin jaħdmu f’netwerk u jikkooperaw iktar ma’ reġjuni oħra. Il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni għal kull tentattiv intiż li jagħti prijorità, permezz ta’ “speċjalizzazzjoni intelliġenti”, lir-reġjuni jew l-awtoritajiet lokali li diġà huma minn ta’ quddiem jingħataw aktar prijorità filwaqt li oqsma oħra ma jiġux appoġġjati jew ma jingħatawx l-appoġġ li jistħoqqilhom. Għalhekk għandha titfassal mappa Ewropea li turi l-livell ta’ innovazzjoni u l-qasam ta’ speċjalizzazzjoni li jilħqu r-reġjuni: din il-klassifikazzjoni għandha sservi biex titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u biex jiġu pprovduti strumenti ta’ appoġġ speċifiċi għar-reġjuni li jkunu għadhom lura permezz ta’ fondi ad hoc li jikkontribwixxu għall-konverġenza ta’ dawn ir-reġjuni ma’ dawk aktar innovattivi;

38.

jaqbel li hemm bżonn ta’ sistema ta’ indikaturi u għanijiet aktar preċiżi li, minbarra l-persentaġġ tal-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp min-naħa tal-intrapriżi, tkun tista’ tkejjel ukoll aspetti relatati mat-titjib tal-kompetittività u l-produttività. Fi kliem ieħor sistema komprensiva li tkejjel l-effikaċja tas-sistemi tar-riċerka u l-iżvilupp u l-produttività tal-innovazzjoni (4);

C.    L-aqwa kooperazzjoni u kompetizzjoni transnazzjonali

39.

jenfasizza li l-UE trid taġixxi b’mod urġenti u koerenti sabiex tikseb l-iskala ta’ sforz u impatt meħtieġa biex tindirizza l-isfidi l-kbar bil-fondi pubbliċi limitati disponibbli għar-riċerka;

40.

mill-ġdid jafferma l-fehma tiegħu li koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u r-reġjuni u anke bejniethom jistgħu jwasslu biex jinħolqu sinerġiji u b’hekk valur miżjud għaż-ŻER. Ir-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) huma strument prezzjuż fl-implimentazzjoni b’suċċess tal-kooperazzjoni territorjali, inkluż fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Dan ser isaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa fis-suq dinji tal-għarfien;

41.

jenfasizza li l-attenzjoni għall-produzzjoni, it-tixrid u l-użu tal-għarfien għandha tiġi applikata b’mod effettiv billi jiġu kkunsidrati l-interessi strateġiċi tal-partijiet interessati pubbliċi u privati u billi jiġu involuti fit-tfassil tal-aġendi strateġiċi. Dan jeħtieġ l-appoġġ tan-netwerks internazzjonali biex l-aħjar riċerkaturi jkunu jistgħu jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw soluzzjonijiet għall-isfidi l-kbar;

42.

jenfasizza l-bżonn ta’ koordinazzjoni u sinerġija aħjar bejn l-istrateġiji ta’ riċerka u innovazzjoni transkonfinali lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej, li jirrispettaw il-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntesti differenti u jżidu l-possibbiltajiet għall-komplementarjetajiet u l-kooperazzjoni bejniethom;

43.

mill-ġdid jafferma l-fehma li hemm bżonn koordinazzjoni ikbar bejn ir-riċerka u l-industrija sabiex ir-reġjuni jkunu jistgħu javvanzaw fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti fil-qasam tat-teknoloġiji abilitanti ewlenin (bħan-nanoteknoloġija, il-mikroelettronika u n-nanoelettronika, il-bijoteknoloġija industrijali, il-fotonika, il-materjali avvanzati u t-teknoloġiji avvanzati tal-manifattura) u sabiex jiġu promossi n-netwerks transnazzjonali u tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew (5). Barra minn hekk, b’dan il-mod jiġi ffaċilitat ukoll il-ħolqien ta’ impjiegi stabbli u b’livell għoli ta’ kwalifiki;

44.

jaqbel li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jippromovu u jimplimentaw aġendi ta’ riċerka konġunta billi jindirzzaw l-isfidi l-kbar, jiskambjaw l-informazzjoni u l-prattiki tajbin f’oqsma ta’ prijorità miftiehma u għandhom jiżguraw li jiġu allokati fondi nazzjonali u reġjonali biżżejjed u li jkunu allinjati strateġikament f’dawn l-oqsma;

45.

jemmen li hemm bżonn li jitneħħew l-ostakli legali u burokratiċi għall-interoperabbiltà transkonfinali tal-programmi nazzjonali u internazzjonali, sabiex ikun jista’ jsir finanzjament konġunt tal-proġetti tar-riċerka u l-infrastruttura tar-riċerka fil-livell nazzjonali, reġjonali jew internazzjonali;

46.

jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri, ir-reġjuni u l-organizzazzjonijiet li jiffinanjzaw ir-riċerka b’appoġġ effiċjenti u effettiv fl-implimentazzjoni tal-evalwazzjoni bejn il-pari internazzjonali konġunti u fit-twaqqif ta’ standards ta’ finanzjament komuni;

47.

jenfasizza li r-riċerka eċċellenti hija bbażata fuq faċilitajiet u infrastrutturi tar-riċerka ta’ klassi dinjija, inklużi l-infrastrutturi elettroniċi. Infrastrutturi tar-riċerka bħal dawn huma importanti għall-Ewropa għax jistgħu jiġbdu l-ħiliet u jistimolaw l-innovazzjoni u l-opportunitajiet għall-kummerċ filwaqt li jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi;

48.

japprezza r-rwol prinċipali tal-infrastrutturi tar-riċerka fis-sistemi tal-innovazzjoni bbażati fuq l-għarfien; jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward il-kunċett il-ġdid ta’ strutturi ta’ sħubijiet reġjonali u s-sħubijiet bejn l-infrastrutturi tar-riċerka; u jirrikonoxxi l-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għal żvilupp aktar ibbilanċjat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka billi pajjiżi u reġjuni iżgħar jew bi ftit esperjenza jiġu mistiedna jkunu involuti fir-riċerka kompetittiva u l-prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni (6);

49.

jemmen li għandhom jittieħdu miżuri effettivi sabiex il-programm Orizzont 2020 jiġi orjentat lejn ir-riformi li l-Ewropa teħtieġ. Għal dan il-għan huwa importanti l-pilastru “Sfidi tas-soċjetà”, fejn l-enfasi għandha tkun li l-aqwa għarfien espert Ewropew jiġi assoċjat mal-proġetti fuq skala kbira ta’ ħolqien konġunt, u b’hekk l-Ewropa tkun tista’ timplimenta bidliet ġenerali strutturali fil-livell tas-sistema lil hinn mil-limitazzjonijiet tradizzjonali. Ir-riċerka ċċentrata fuq id-dixxiplina ma toħloqx għarfien biżżejjed biex jiġu riżolti l-isfidi l-kbar tas-soċjetà. L-attenzjoni għandha tingħata direttament lill-attivajiet multidixxiplinari ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni li jwasslu għal kunċetti u komponenti meħtieġa f’dawk il-bidliet li jirrinnovaw l-istruttura fil-livell tas-sistema. Fil-qalba tar-riċerka hemm l-esperimentazzjoni u l-azzjonijiet pilota. Eżempju tajjeb huwa l-qasam wiesa’ ta’ operat tas-Smart City. Parti essenzjali minn dan kollu hija l-adattabbiltà tar-riżultati f’kundizzjonijiet differenti madwar l-Ewropa (7);

50.

jappoġġja l-impenn tal-Unjoni ta’ Innovazzjoni li l-Istati Membri flimkien mal-Kummissjoni Ewropea sal-2015 għandhom ikunu lestew jew nedew il-kostruzzjoni ta’ 60 % tal-infrastrutturi ta’ prijorità Ewropej identifikati attwalment fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ESFRI);

51.

jirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw impenji finanzjarji għall-ħolqien u t-tħaddim tal-Infrastrutturi tar-Riċerka tal-ESFRI u jippromovu l-iżvilupp ta’ FIR, b’mod partikolari fl-iżvilupp tal-pjani direzzjonali nazzjonali u l-Programmi Operattivi tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

52.

jistieden lill-Kummissjoni biex, permezz tal-Orizzont 2020, tipprovdi appoġġ effettiv għall-aċċess għall-Infrastrutturi ta’ Riċerka u anke għall-integrazzjoni kontinwa globali tal-Infrastrutturi tar-Riċerka ta’ interess pan-Ewropew, u mhux biss dawk li ngħataw l-istatus ta’ Forum Strateġiku Ewropew għall-Infrastrutturi tar-Riċerka (ERIC);

53.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni jekk jista’ jkun tappoġġja l-ispejjeż operattivi tal-Infrastutturi tar-Riċerka, permezz ta’ sorsi ta’ finanzjament, bħall-fondi strutturali;

54.

jappella biex l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali joħolqu konnessjoni bejn il-pjani ta’ direzzjoni tal-infrastrutturi tar-riċerka u l-pjan ta’ azzjoni tal-ESFRI mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni fil-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni kofinanzjati mill-fondi strutturali, billi tissaħħaħ il-kapaċità tar-reġjuni inqas vantaġġati li jospitaw u jieħdu sehem fl-Infrastrutturi tar-Riċerka ta’ interess pan-Ewropew u internazzjonali;

55.

iqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha taħdem id f’id mal-ESFRI biex flimkien jistabbilixxu l-prijoritajiet għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Direzzjoni u biex jipprovdu parir u gwida lill-Istati Membri dwar kif jistgħu jegħlbu l-ostakli legali, finanzjarji jew tekniċi għall-implimentazzjoni;

D.    Suq tax-xogħol miftuħ għar-riċerkaturi

56.

jagħraf li l-ostakli fost id-diversi swieq nazzjonali tax-xogħol għar-riċerkaturi jinħolqu l-iktar minħabba l-approċċi differenti għar-reklutaġġ, l-awtonomija istituzzjonali, id-differenzi fl-approċċi għat-tfassil tal-istrateġiji tar-riżorsi umani u fil-promozzjoni tal-mobbiltà tar-riċerka, u b’kundizzjonijiet xejn attraenti għar-riċerkaturi żgħażagħ u li jiġu minn barra l-UE;

57.

jistqarr li matul il-kriżi ekonomika attwali eluf ta’ impjegati fl-Istati Membri tal-UE tilfu xogħolhom (8), anki riċerkaturi kwalifikati ħafna, l-iktar mid-dipartimenti tar-riċerka u l-iżvilupp u dan il-qgħad ser ikompli jiżdied b’riżultat tas-swieq il-ġodda u r-rilokazzjoni tal-kumpaniji f’pajjiżi fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni huma aktar baxxi. Huwa importanti ħafna li l-ħiliet tal-impjegati jiżdiedu u jikkonformaw aktar mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol (9);

58.

jemmen li huwa kruċjali li jitneħħew l-ostakli legali u oħrajn għall-applikazzjoni ta’ reklutaġġ ta’ riċerkaturi li jkun miftuħ, trasparenti u bbażat fuq il-mertu u għall-aċċess transkonfinali tal-għotjiet nazzjonali u l-portabbiltà tagħhom;

59.

jaqbel li l-organizzazzjonijiet tar-riċerka għandhom jirreklamaw kull post battal permezz ta’ profili komuni stabbiliti fil-Qafas Ewropew għall-Karrieri fir-Riċerka u mbagħad jimlew il-postijiet tar-riċerka skont proċeduri miftuħa u trasparenti, li jinkludu ċittadini minn barra l-UE. Huma għandhom jirreklamaw il-postijiet battala anke fil-portal EurAxess (http://ec.europa.eu/euraxess/index.cfm/lobs/index);

60.

jenfasizza li għandu jkun hemm fokus speċifiku fuq il-mobbiltà tar-riċerkaturi fl-Ewropa u jappella għall-applikazzjoni ta’ miżuri konkreti bil-għan li jitneħħew l-ostakli għall-mobbiltà (bħall-portabbiltà tad-drittijiet tal-pensjonijiet, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali, ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali u fuq il-miżuri biex jinstab bilanċ bejn il-ħajja privata u tax-xogħol) li jiffaċilitaw il-mobbiltà tar-riċerkaturi Ewropej u jagħmlu l-offerta ta’ karriera fir-riċerka fl-UE iżjed attraenti;

61.

jilqa’ l-inizjattivi tal-Kummissjoni fejn tindirizza l-ostakli għas-sigurtà soċjali għar-riċerkaturi fl-UE u tiffaċilita iktar id-dħul ta’ riċerkaturi minn pajjiżi terzi;

62.

mill-ġdid jafferma l-bżonn li jinġibdu akkademiċi eċċellenti minn pajjiżi barra l-Ewropa u għalhekk jenfasizza s-sinifikat tal-programmi għall-mobbiltà tal-UE bħall-programm Marie Curie u l-miżuri ta’ appoġġ li ttieħdu jew li ser jitnedew f’ċerti reġjuni biex jiġu appoġġjati r-riċerkaturi u x-xjentisti li jiġu lura l-Ewropa;

63.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jieħdu l-miżuri li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-mobbiltà fis-setturi kollha, b’mod speċjali bejn id-dinja akkademika u l-industrija. Il-kooperazzjoni pan-Ewropea bejn id-dinja akkademika, l-intrapriża u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka li tinvolvi l-atturi politiċi u l-amministrazzjonijiet fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali fil-forma tal-mudell tal-ispiral triplu hija ferm importanti;

64.

jenfasizza l-bżonn li ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa jfittxu karriera professjonali f’attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, li l-intraprendituri żgħażagħ li jikkontribwixxu għall-attivitajiet tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jagħmlu użu mir-riżultati tagħhom fil-komunitajiet lokali u reġjonali tagħhom;

65.

jisħaq fuq il-bżonn urġenti li jiġi żgurat li jkun hemm persuni mħarrġa sew u li jkollhom il-ħiliet meħtieġa biex jaħdmu fl-industrija tal-għarfien, u li l-industrija ssir post tax-xogħol attraenti, peress li jeżistu l-problemi biex jinsabu n-nies għal impjiegi f’oqsma strateġiċi għall-futur, bħar-riċerka u x-xjenza, l-inġinerija, is-saħħa u l-matematika (10). Il-kompetenzi u l-għarfien tal-ħaddiema għandhom jiġu aġġornati fuq bażi kontinwa u t-taħriġ għandu jiffoka fuq id-domandi tat-teknoloġiji u s-setturi l-ġodda, mhux biss fl-interess tal-industrija imma anke bħala għajnuna għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom biex jadattaw malajr għal setturi u teknoloġiji ġodda;

66.

jenfasizza wkoll il-bżonn, li minbarra l-promozzjoni ta’ l-eċċellenza u l-prestazzjoni ta’ livell għoli, jiġu żgurati wkoll edukazzjoni u taħriġ tajbin għall-persuni f’kull reġjun, bħala l-bażi tal-benesseri individwali u soċjali u tal-kapaċità ta’ innovazzjoni tar-reġjuni (11);

67.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tniedi portal onlajn għall-iskambju tal-eżempji tal-aħjar prattika fil-livell lokali u reġjonali fir-rigward tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol (12), inkluż fis-setturi tar-riċerka u l-innovazzjoni;

E.    L-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tas-sessi fir-riċerka

68.

jirrikonoxxi l-progress limitat li sar s’issa fl-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u jinnota li hemm biss ftit Stati Membri u organizzazzjonijiet tar-riċerka li qed jimplimentaw politiki biex jinkiseb benefiċċju mill-ħiliet tax-xjentisti nisa u mill-inklużjoni ta’ dimensjoni tal-ġeneru fil-kontenut tar-riċerka. L-integrazzjoni ta’ dimensjoni tal-ġeneru fit-tfassil, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riċerka tidher li għadha limitata;

69.

jenfasizza l-bżonn li jitneħħew l-ostakli għar-reklutaġġ, iż-żamma u l-progress fil-karriera tar-riċerkaturi nisa, li jiġu indirizzati l-iżbilanċi bejn l-irġiel u n-nisa u li tiġi promossa d-dimensjoni tal-ġeneru fil-programmi tar-riċerka;

70.

jaqbel li fi ħdan l-Orizzont 2020, id-dimensjoni tal-ġeneru tiġi integrata fil-programmi u l-proġetti kollha sa mill-bidu tagħhom;

71.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni fejn ipproponiet li fl-2013 issir “Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri” b’linji gwida komuni dwar il-bidliet istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka;

72.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni twaqqaf kumitat orizzontali għall-monitoraġġ u l-konsultazzjoni dwar ir-rappreżentanza tar-riċerkaturi nisa fl-attivitajiet taż-ŻER u l-attivitajiet tal-Orizzont 2020;

F.    L-aħjar ċirkulazzjoni possibbli, aċċess u t-trasferiment tal-għarfien xjentifiku

73.

jinnota li l-Istati Membri qed juru livelli differenti ta’ avvanz fl-appoġġ għall-politiki tal-aċċess miftuħ li jistgħu jgħinu biex ikun hemm iktar simmetrija fl-informazzjoni. Barra minn hekk, it-trasferiment tal-għarfien bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka u s-settur privat għadhom insuffiċjenti u dan għandu impatt fuq il-kwalità xjentifika tar-riżultati ekonomiċi mir-riċerka u l-iżvilupp;

74.

jenfasizza li l-aċċess għall-għarfien u t-trasferiment tiegħu fi ħdan u bejn l-istituti tar-riċerka, l-universitajiet u l-industrija jaqdu rwol ċentrali fir-riċerka u l-innovazzjoni fundamentali, u għandhom jiġu mħeġġa sew;

75.

jenfasizza li l-approċċ tal-aċċess miftuħ għar-riżultati u d-data tar-riċerka finanzjata mill-fondi pubbliċi huwa pilastru essenzjali fil-kostruzzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka bil-għan li jiġi żgurat li r-riċerkaturi jistgħu jibnu fuq l-għarfien eżistenti, jevalwaw riżultati ġodda u li jiġu evitati sforzi doppji fir-riċerka;

76.

jenfasizza l-importanza tal-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-politiki dwar l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-preservazzjoni tagħha, filwaqt li jiġi żgurat li r-riċerka pubblika trawwem it-trasferiment tal-għarfien bejn is-settur pubbliku u dak privat permezz ta’ strateġiji nazzjonali;

77.

jenfasizza l-bżonn tal-aħjar interazzjoni possibbli, rabtiet u sħubijiet strateġiċi possibbli bejn id-dinja akkademika u l-industrija u li jitfasslu aġendi ta’ riċerka kollaborattiva konġunta biex isir l-ikbar użu tar-riżultati tar-riċerka u l-impatt tagħhom mil-lat tal-innovazzjoni u li jiġu indirizzati l-isfidi l-kbar;

78.

jaqbel li l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi għandu jiġi stabbilit bħala prinċipju ġenerali għall-fondi kollha finanzjati mill-UE fil-qafas tal-Orizzont 2020 u li l-Kummissjoni għandha tkompli tiffinanzja l-proġetti relatati mal-aċċess miftuħ; f’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitqiesu b’mod sħiħ l-interessi tax-xjentisti u l-intrapriżi fir-rigward tal-proprjetà intellettwali u tad-drittijiet tal-użu;

79.

jipproponi t-tnedija ta’ attivitajiet li jżidu s-sensibilizzazzjoni tal-partijiet interessati dwar l-aċċess miftuħ u x-xjenza elettronika. Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati, għandha taħdem biex tiżviluppa mudell ta’ ftehimiet konsorzji biex ittejjeb it-trasferiment tal-għarfien;

G.    Passi lejn is-suċċess u t-tlestija taż-ŻER

80.

jenfasizza li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom iwettqu r-riformi nazzjonali u reġjonali neċessarji u joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tlestija taż-ŻER. Huma għandhom jappoġġjaw ukoll l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi billi jiffaċilitaw l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw u jwettqu r-riċerka;

81.

jipproponi li jiġu żviluppati netwerks ta’ sħubijiet ibbażati fuq l-ispiral triplu fir-reġjuni li jistgħu jaħdmu flimkien biex jikkoordinaw l-azzjonijiet; jenfasizza l-importanza tal-iskambju tal-aħjar prattiki, inklużi dawk fl-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, permezz tal-introduzzjoni ta’ Katedri taż-ŻER fis-sistemi tar-riċerka u l-innovazzjoni reġjonali u tal-appoġġ għan-netwerks internazzjonali relatati mal-kompetenzi reġjonali identifikati;

82.

jisħaq fuq il-bżonn li jiġi monitorjat u evalwat il-progress fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taż-ŻER identifikati fil-Komunikazzjoni, mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati fil-qasam tar-riċerka. F’dan ir-rigward jilqa’ l-iżvilupp mill-Kummissjoni tal-mekkaniżmi mħabbra ta’ monitoraġġ taż-ŻER; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura, bl-involviment tal-Istati Membri, li l-proċess għall-iżvilupp tal-mekkaniżmu mħabbar ta’ monitoraġġ taż-ŻER u l-għażla tal-kriterji jkun trasparenti. Il-kriterji magħżula u n-numru ta’ indikaturi miżmuma għandhom ikunu limitati għall-minimu meħtieġ biex titwettaq evalwazzjoni adegwata tal-progress miksub fit-triq lejn it-tlestija taż-ŻER. Il-proċeduri stabbiliti għall-kooperazzjoni mal-Eurostat, l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u l-awtoritajiet lokali (pereżempju l-ministeri) għandhom jintużaw għall-għażla tad-data mill-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u d-dinja akkademika;

83.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri, kif ukoll il-pubblikazzjoni tal-Gwida Prattika dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE (13); b’mod partikolari japprezza l-isforzi kontinwi li jippermettu li programmi differenti jiffinanzjaw fażijiet differenti ta’ proġetti b’perspettiva ta’ kontinwità; ikun grat jekk din il-Gwida Prattika ssir portal diġitali komplet iżda aċċessibbli għall-informazzjoni u r-riżorsi dwar programmi rilevanti ta’ riċerka u innovazzjoni (14);

84.

jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-inizjattiva Orizzont 2020 tgħin tikkonsolida t-tlestija u t-tħaddim taż-ŻER, billi tappoġġja l-azzjonijiet relatati mal-karrieri u l-mobbiltà tar-riċerka, l-infrastrutturi tar-riċerka, il-ġeneru, il-kooperazzjoni transkonfinali, l-aċċess miftuħ u t-trasferiment tal-għarfien;

85.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li mill-2014 ’l hemm l-evalwazzjoni sħiħa tal-progress tibda tintbagħat lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew darba fis-sena;

86.

jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tibgħat ir-Rapport ta’ Progress taż-ŻER lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Brussell, 31 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  CdR 402/2011 fin.

(2)  CdR 402/2011 fin.

(3)  CdR 373/2010 fin.

(4)  CdR 374/2010 fin.

(5)  CdR 374/2010 fin.

(6)  CdR 373/2010 fin.

(7)  CdR 402/2011 fin.

(8)  CdR 85/2009 fin u CdR 373/2010 fin

(9)  CdR 85/2009 fin u CdR 373/2010 fin.

(10)  CdR 374/2010 fin.

(11)  CdR 83/2007 fin.

(12)  CdR 292/2010 fin.

(13)  CdR 67/2011 fin; CdR 373/2010; CdR 230/2010 fin.

(14)  CdR 373/2010 fin.


2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/22


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin 2012–16”

2013/C 62/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jaqbel li l-implimentazzjoni tal-istrateġija titlob approċċ koerenti u multidixxiplinari bil-parteċipazzjoni ta’ firxa ta’ atturi diversifikati ħafna, fosthom il-livelli differenti ta’ awtoritajiet, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-uffiċjali pubbliċi, is-soċjetà ċivili u l-qasam tal-volontarjat. Il-prossimità ġeografika ta’ ċerti bliet u reġjuni għaż-żoni fejn jaslu l-vittmi tat-traffikar u/jew għall-postijiet fejn isir l-isfruttament tagħmilha iżjed possibbli li jiġu identifikati u appoġġjati l-vittmi tat-traffikar, iżda wkoll li jkun hemm kampanji ta’ sensibilizzazzjoni bil-kooperazzjoni mill-qrib tas-soċjetà ċivili, għall-benefiċċju dirett tal-vittmi u l-pubbliku inġenerali;

jindika li fil-ħidma ulterjuri tagħha l-Kummissjoni għandha tippreżenta b’mod ċar u testendi l-miżuri differenti li huma disponibbli biex tittaffa d-domanda u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel distinzjoni aktar ċara bejn 1) it-traffikar għall-isfruttament tax-xogħol, 2) it-traffikar għall-isfruttament sesswali u 3) it-traffikar għall-isfruttament sesswali tat-tfal;

jinsab konvint li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iktar milli dawk ċentrali/nazzjonali, għandhom ir-riżorsi biex jiskopru jekk persuna tkunx vittma tat-traffikar tal-bnedmin. Għalhekk, ikun utli li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi involut fil-ħidma għat-tfassil ta’ linji gwida għall-identifikazzjoni tal-vittmi u għall-protezzjoni tat-tfal;

jenfasizza li l-effettività tal-approċċ multidixxiplinari u multisettorjali li qed tippjana l-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tiddependi bil-bosta mill-fatt li l-atturi fil-livell lokali u reġjonali jipparteċipaw b’mod attiv;

jixtieq jipparteċipa fil-pjattaforma tas-soċjetà ċivili u l-pjattforma tas-settur privat u ta’ min iħaddem, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

jilqa’ l-proposta li jiġi żviluppat l-għarfien dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin u l-gruppi vulnerabbli, iżda fl-istess ħin iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tiffukax biss fuq id-dimensjoni tal-ġeneru fi kwistjonijiet li jinvolvu l-vittmi iżda wkoll fuq li hemm differenzi ċari bejn is-sessi mill-perspettiva tad-domanda.

Relatur

Is-Sinjura DRENJANIN (SE/PPE), Membru tal-Assemblea Muniċipali ta’ Huddinge

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012

COM(2012) 286 final

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-istrateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin 2012 – 2016

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-miżuri meħuda mill-koordinatur tal-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, li nħatar dan l-aħħar;

2.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li din l-Istrateġija indirizzat it-talbiet li għamel fil-passat lill-Kummissjoni biex tniedi pjani ta’ azzjoni speċifiċi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u li tintegra din l-inizjattiva fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi;

3.

jagħraf li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, il-Protokoll ta’ Palermo tan-NU dwar it-traffikar tal-bnedmin u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjonijiet kontra t-Traffikar tal-Bnedmin huma passi deċiżivi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam. Għalhekk, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri biex ma jdumux ma jittrasponu u jirratifikaw dawn il-ftehimiet internazzjonali importanti;

4.

jaqbel li l-implimentazzjoni tal-istrateġija titlob approċċ koerenti u multidixxiplinari bil-parteċipazzjoni ta’ firxa ta’ atturi diversifikati ħafna, fosthom il-livelli differenti ta’ awtoritajiet, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-uffiċjali pubbliċi, is-soċjetà ċivili u l-qasam tal-volontarjat. Iżda, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jingħataw l-ebda importanza sostanzjali fil-Komunikazzjoni, minkejja l-importanza kbira li diġà għandhom u l-kontribut addizzjonali li jistgħu jagħtu fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u fl-appoġġ u l-protezzjoni lill-vittmi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali qegħdin fl-aqwa pożizzjoni biex jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet taċ-ċittadini u r-residenti, u jistgħu jistabbilixxu u jidentifikaw soluzzjonijiet u strateġiji li jkunu adattati għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-post. Rigward l-identifikazzjoni tal-vittmi, is-sinjalar tal-abbużi u l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, il-kontribut li jistgħu jagħtu l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jżid b’mod sostanzjali l-effettività tal-miżuri ppjanati. Il-prossimità ġeografika ta’ ċerti bliet u reġjuni għaż-żoni fejn jaslu l-vittmi tat-traffikar u/jew għall-postijiet fejn isir l-isfruttament tagħmilha iżjed possibbli li jiġu identifikati u appoġġjati l-vittmi tat-traffikar, iżda wkoll li jkun hemm kampanji ta’ sensibilizzazzjoni bil-kooperazzjoni mill-qrib tas-soċjetà ċivili, għall-benefiċċju dirett tal-vittmi u l-pubbliku inġenerali;

5.

jinsab imħasseb fir-rigward tal-fatt li f’ħafna sezzjonijiet tal-Istrateġija ma ssirx differenza bejn id-diversi forom ta’ traffikar tal-bnedmin. Il-fatturi li jġiegħlu lil individwu jitlaq mill-pajjiżi ta’ oriġini tiegħu (fost affarijiet oħra, il-faqar, l-iżolament, u n-nuqqas ta’ edukazzjoni) u l-bżonn ta’ miżuri li jiġġieldu kontra dan kollu huma ċertament simili f’ħafna każijiet. Fir-rigward tal-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda fil-pajjiżi ospitanti jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn traffikar għall-isfruttament tax-xogħol, traffikar għall-isfruttament sesswali u traffikar għall-isfruttament sesswali tat-tfal. It-traffikar tal-bnedmin għal skopijiet ta’ sess (li skont il-Kummissjoni huwa l-iżjed tip mifrux ta’ traffikar tal-bnedmin) għandu dimensjoni tal-ġeneru li, fil-prinċipju ġejja mill-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Iż-żieda fl-isfruttament tal-bnedmin għax-xogħol għandha tiġi kkunsidrata wkoll. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni tiċċara aħjar dawn id-differenzi u tadatta l-kontromiżuri proposti għalihom (ara l-punt 13 hawn taħt);

Kummenti proposti mill-KtR dwar il-ħames prijoritajiet tal-Kommunikazzjoni

a.   L-identifikazzjoni, il-ħarsien u l-assistenza lill-vittmi tat-traffikar

6.

jagħraf li awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu sikwit involuti fil-ħidma relatata mar-riferiment tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin meta dan jiġri fi ħdan Stat Membru (f’livelli differenti, skont it-tqassim tal-kompetenzi fi ħdan l-Istati Membri). Dan għandu jiġi rifless b’mod iżjed ċar fl-Istrateġija billi t-test isemmi li l-mekkaniżmi għandhom jiġu żviluppati b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti fl-Istati Membri rispettivi. Il-formulazzjoni attwali li “l-proċeduri [għar-riferiment] [għandhom] (…) jinkludu lill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti kollha u lis-soċjetà ċivili” hija vaga wisq;

7.

f’dawk il-każijiet fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu responsabbli għar-riferiment, iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu lil-livell lokali r-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex isir dan;

8.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa mudell għal Mekkaniżmu Transnazzjonali ta’ Riferiment fil-livell tal-UE. Ikun tajjeb li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi involut fin-negozjati dwar dawn il-proċeduri billi jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki u billi jkompli jiżviluppa, fejn ikun xieraq, in-netwerks eżistenti ta’ kooperazzjoni;

9.

jinsab konvint li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iktar milli dawk ċentrali/nazzjonali, għandhom ir-riżorsi biex jiskopru jekk persuna tkunx vittma tat-traffikar tal-bnedmin. Għalhekk, ikun utli li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi involut fil-ħidma għat-tfassil ta’ linji gwida għall-identifikazzjoni tal-vittmi u għall-protezzjoni tat-tfal. Għandu jiġi enfasizzat is-settur tas-saħħa billi f’xi każijiet, huma l-istituzzjonijiet ta’ dan is-settur li jkollhom l-ewwel kuntatt mal-vittmi;

10.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jkunu pjuttost attivi u effettivi f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi. Twettqu għadd ta’ proġetti li għamlu suċċess fil-bliet u r-reġjuni tal-UE, li wrew li t-tixrid ta’ informazzjoni fil-livell lokali jista’ jkun effettiv ħafna, permezz tat-tqassim ta’ fuljetti u l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’ informazzjoni. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni tieħu nota ta’ dan u jixtieq li tenfasizza l-perspettiva lokali fl-Istrateġija, pereżempju fit-taqsima Prijorità A (4);

b.   L-intensifikar tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin

11.

ifakkar li d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu fiha dispożizzjoni li tgħid li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiġġieldu kontra u jnaqqsu d-domanda li tħeġġeġ il-forom kollha ta’ sfruttament relatat mat-traffikar tal-bnedmin. B’hekk, għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi kkastigat l-użu ta’ servizzi minn persuna meta jkun magħruf li din il-persuna hija vittma tat-traffikar tal-bnedmin. Fid-dawl ta’ dan kollu, fil-ħidma ulterjuri tagħha l-Kummissjoni għandha tippreżenta b’mod ċar u testendi l-miżuri differenti li huma disponibbli biex tittaffa d-domanda. F’dan ir-rigward tista’ tuża miżuri ta’ riċerka, edukazzjoni u informazzjoni biex il-pubbliku jsir aktar konxju mill-fatturi li jistgħu jwasslu għat-tipi differenti ta’ traffikar tal-bnedmin. B’rabta mal-ġlieda kontra l-isfruttament tal-ħaddiema, il-kampanja dwar ix-xiri responsabbli (“Buy responsibly”) tal-IOM hija eżempju tajjeb. Miżura oħra li ħadu jew qed jikkunsidraw xi Stati Membri hija l-projbizzjoni li jinxtraw servizzi sesswali, biex fost affarijiet oħra jitneħħa l-inċentiv tat-traffikar tal-bnedmin għall-prostituzzjoni;

12.

iħoss li r-referenza għal Prijorità B (1) dwar “Għarfien u Tnaqqis tad-Domanda” tal-kampanja “Buy Responsibly” tal-OIM hija ħasra u tista’ tiġi interpretata ħażin li qed timplika li n-nisa u t-tfal huma oġġetti li jistgħu jinxtraw b’mod responsabbli. Billi din żgur li ma kintix l-intenzjoni tat-test jeħtieġ li dan jiġi formulat mill-ġdid;

13.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel distinzjoni aktar ċara bejn 1) it-traffikar għall-isfruttament tax-xogħol, 2) it-traffikar għall-isfruttament sesswali u 3) it-traffikar għall-isfruttament sesswali tat-tfal. Dan tista’ tagħmlu pereżempju billi l-Prijorità B (1) tinqasam f’partijiet separati u li l-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda jiġu adattati skont dan;

14.

jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex ikomplu jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jidentifikaw u jappoġġjaw lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin bil-għan li jaqdu rwol saħansitra aktar ċar fil-ħidma ta’ appoġġ għall-vittmi;

15.

jissuġġerixxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġbdu l-attenzjoni tal-komunità lokali għall-kwistjonijiet fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin billi jikkontribwixxu għaż-żieda tal-għarfien dwaru fil-livell lokali permezz ta’ materjal informattiv, avvenimenti, sessjonijiet ta’ tagħrif għall-popolazzjoni lokali u s-servizzi soċjali lokali, eċċ. Ikun utli li gruppi lokali u gruppi tas-soċjetà ċivili jikkooperaw flimkien mal-pulizija (lokali), l-awtoritajiet lokali u partijiet interessati oħra biex jiġu identifikati tendenzi fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin fiż-żona kkonċernata u jiġu żviluppati pjani ta’ azzjoni fil-livell lokali għall-prevenzjoni u l-qerda tat-traffikar tal-bnedmin. Fl-Istrateġija, il-Kummissjoni għandha titlob b’mod ċar lill-Istati Membri biex jippromovu din il-kooperazzjoni;

16.

jenfasizza li l-inizjattivi fil-livell lokali u reġjonali li jippromovu t-tkabbir u l-impjieg fil-pajjiżi ta’ oriġini jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Din hija raġuni oħra għalfejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu enfasizzati bħala atturi importanti fil-ħidma li ser issir;

17.

jitlob li jiġi involut fil-valutazzjoni tal-inizjattivi eżistenti għall-prevenzjoni u fit-tħejjija tal-linji gwida għall-UE kollha għall-miżuri preventivi tal-ġejjieni u kampanji ta’ informazzjoni b’dimensjoni tal-ġeneru;

18.

fil-ħidma tiegħu biex jiżviluppa kampanji ta’ informazzjoni fil-livell tal-UE, iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra l-għarfien li jħaddnu bosta awtoritajiet u organizzazzjonijiet lokali tal-volontarjat u tinvolvihom f’dan ir-rigward;

c.   Żieda fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti

19.

jenfasizza li l-pulizija lokali l-iżjed li jafu l-komunità lokali tagħhom, u għalhekk jistgħu jikkontribwixxu bil-bosta biex jesponu t-traffikar tal-bnedmin u s-sors tiegħu eċċ. Jappella lill-Istati Membri biex fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jikkunsidraw il-possibbiltà li jagħtu aċċess lill-awtoritajiet lokali tal-infurzar tal-liġi għall-bażijiet tad-data u għal taħriġ fil-qasam tal-investigazzjoni ta’ din it-tip ta’ kriminalità u li jagħtuhom il-kompetenzi adatti;

20.

jappella lill-Istati Membri biex ma jagħtux ir-responsabbiltà u l-kompetenzi kollha lill-unitajiet speċjali fil-livell nazzjonali. B’konformità mad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, anke l-inqas livell fil-korp tal-pulizija jew uffiċjali oħra, jiġifieri dawk li fil-verità jiltaqgħu mal-vittmi, għandu jkollu għarfien dwar atti kriminali relatati mat-traffikar tal-bnedmin u dwar kif wieħed jista’ jesponi t-traffikar tal-bnedmin. Naturalment, fl-istess ħin għandhom jitwaqqfu korpi multidixxiplinari fil-livell nazzjonali li jiġġieldu kontra l-kriminalità;

21.

jissuġġerixxi li l-azzjoni proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-twaqqif ta’ Unitajiet tal-Infurzar tal-Liġi Multidixxiplinari Nazzjonali (C1) għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jawtorizzaw lill-persunal mill-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipa fil-korpi multidixxiplinari fil-livell nazzjonali fil-qasam tal-infurzar tal-liġi li għandhom jitwaqqfu b’konformità mal-Istrateġija. Hu jappella wkoll biex tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-imsieħba fil-livell lokali u bejn il-forzi tal-pulizija reġjonali fi Stati Membri differenti tal-UE fil-qasam tat-taħriġ tal-uffiċjali lokali tal-pulizija, b’mod speċjali f’dawk ir-reġjuni fejn isseħħ ta’ spiss, fis-sinjalar u fil-ġlieda tal-każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin. Ikun xieraq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jew l-organizzazzjonijiet ta’ interess speċjali tagħhom fil-livell nazzjonali (jew reġjonali) jipparteċipaw b’mod attiv fil-konsultazzjoni mal-istituzzjonijiet formali ta’ dawn it-tipi ta’ korpi, anke biex joħolqu mezzi ta’ kuntatt bejn il-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

22.

biex jiġu evitati d-dupplikazzjonijiet tal-ħidma, ifakkar fil-ħidma li ssir fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar is-Sigurtà Interna (COSI). It-traffikar tal-bnedmin huwa wieħed fost it-tmien prijoritajiet li l-Istati Membri tal-UE għandhom jindirizzaw flimkien skont metodu speċifiku b’għanijiet ċari, implimentazzjoni konkreta u rekwiżiti ta’ segwitu (1). Din il-ħidma tissemma fil-qosor fil-parti Prijorità C 1 iżda l-punt ma jagħtix iżjed dettalji dwar kif l-Istrateġija tal-Kummissjoni hija marbuta mal-ħidma li ssir fi ħdan COSI;

d.   Koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa fost l-atturi ewlenin u koerenza politika

23.

jenfasizza li l-effettività tal-approċċ multidixxiplinari u multisettorjali li qed tippjana l-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tiddependi bil-bosta mill-fatt li l-atturi fil-livell lokali u reġjonali jipparteċipaw b’mod attiv;

24.

jixtieq jikkontribwixxi fl-integrazzjoni tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-attivajiet tal-politika esterna tal-UE. It-traffikar tal-bnedmin huwa kwistjoni importanti b’rabta mal-politika tal-UE fil-qasam tat-tkabbir u l-viċinat, u għalhekk il-Kumitat jista’ jieħu l-impenn sabiex il-problemi relatati jiġu diskussi fi ħdan il-Kumitati Konsultattivi Konġunti u l-Gruppi ta’ Ħidma organizzati mal-pajjiżi kandidati jew l-ARLEM u l-CORLEAP rispettivament;

25.

jixtieq jipparteċipa bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-pjattaforma tas-soċjetà ċivili u l-pjattforma tas-settur privat u ta’ min iħaddem, li huma rakkomandati fl-Istrateġija;

e.   Għarfien akbar dwar tħassib emerġenti relatat ma’ kull għamla ta’ traffikar tal-bnedmin u reazzjoni effettiva għalih.

26.

jilqa’ din il-proposta li jiġi żviluppat l-għarfien dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin u l-gruppi vulnerabbli. Dan it-tip ta’ għarfien ikun ta’ siwi kbir għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-persunal tagħhom, li ta’ spiss ikunu fuq quddiem nett rigward l-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin u l-vittmi tiegħu;

27.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tiffukax biss fuq id-dimensjoni tal-ġeneru fi kwistjonijiet li jinvolvu l-vittmi iżda wkoll fuq li hemm differenzi ċari bejn is-sessi mill-perspettiva tad-domanda. Is-servizzi sesswali, li huma l-iżjed inċentiv importanti għall-persuni involuti fit-traffikar tal-bnedmin, l-iktar li jintalbu mill-irġiel. Din id-disparità bejn is-sessi għandha tingħata attenzjoni fil-ħidma relatata mal-iżvilupp tal-għarfien dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin.

Brussell, 31 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Iċ-ċiklu ta’ politika tal-UE għall-kriminalità internazzjonali organizzata u serja.


2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/26


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Insaħħu ċ-ċittadinanza tal-UE: il-promozzjoni tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE”

2013/C 62/06

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza l-importanza li ċ-ċittadini tal-UE jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. Billi ċ-ċittadini jiġu involuti fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u fil-proċess politiku tal-pajjiż ta’ residenza tagħhom, iċ-ċittadinanza tal-UE tgħin biex tinbena d-demokrazija Ewropea;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sens ta’ appartenenza għandu kontribut importanti sabiex l-Unjoni Ewropea tkun iktar konkreta f’għajnejn iċ-ċittadini. Għalhekk huwa importanti li jissaħħaħ dan is-sentiment, li ċ-ċittadini jkunu sensibbilizzati aktar u jkun hemm ħidma kontinwa biex iċ-ċittadini jitqarrbu lejn l-Unjoni Ewropea permezz ta’ azzjonijiet u strumenti li huma disponibbli;

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea u sabiex kemm din kif ukoll id-drittijiet assoċjati jinfiehmu aħjar. Fil-fatt huma l-iktar poter qrib iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u jistgħu jagħtu l-ikbar kontribut fl-iżvilupp tad-demokrazija parteċipattiva u għal fehim aħjar tal-vantaġġi li toffri l-integrazzjoni Ewropea;

jenfasizza kemm huwa importanti, fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkunu konxji aktar mid-drittijiet tagħhom kif ukoll mid-drittijiet elettorali fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom u li jkunu jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet;

jitlob lill-Istati Membri, fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex jassiguraw il-possibbiltà li ċ-ċittadini jeżerċitaw id-drittijiet elettorali tagħhom billi jipparteċipaw mhux biss fl-elezzjonijiet muniċipali iżda wkoll fl-elezzjonijiet reġjonali;

b’rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jissuġerixxi li l-Istati Membri jistgħu jesploraw miżuri li jistgħu jippermettu li l-iskeda tal-elezzjonijiet lokali u reġjonali tintrabat ma’ dik tal-elezzjonijiet Ewropej; iqis li dan jista’ jagħmel liċ-ċittadini tal-UE konxji tal-impatt tal-elezzjonijiet lokali, reġjonali u Ewropej fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Relatur

Is-Sur GÉMESI (HU/PPE), Sindku tal-Belt ta’ Gödöllő

Dokument ta’ referenza

 

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Insaħħu ċ-ċittadinanza tal-UE: il-promozzjoni tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Iċ-ċittadinanza Ewropea u d-drittijiet elettorali

1.

jimpenja ruħu sabiex jippromovi l-implimentazzjoni ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja kif ukoll iċ-ċittadinanza Ewropea;

2.

jilqa’ b’sodisfazzjon li l-2013 ġiet iddikjarata bħala s-“Sena Ewropea taċ-Ċittadini”. Iċ-ċittadinanza Ewropea ser tkun fil-qalba ta’ din is-Sena Ewropea, li ser toħloq possibbiltà ġenwina sabiex b’mod partikolari jissaħħu l-isforzi li għandhom l-għan li jippromovu l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet fil-livelli differenti, bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-korpi nazzjonali kkonċernati kif ukoll tal-partijiet interessati prinċipali tal-ħajja politika tal-Istati Membri u taċ-ċittadini tagħhom;

3.

jaqbel mal-fehma li l-20 anniversarju taċ-ċittadinanza Ewropea introdotta mit-Trattat ta’ Maastricht u s-Sena Ewropa taċ-Ċittadini 2013 jirrappreżentaw opportunità f’waqtha sabiex tinġibed l-attenzjoni tal-pubbliku għad-drittijiet u d-doveri assoċjati maċ-ċittadinanza Ewropea u biex isir sforz sabiex id-drittijiet taċ-ċittadini, u partikolarment id-drittijiet elettorali tagħhom, jiġu applikati bis-sħiħ u saħansitra jissaħħu;

4.

iqis essenzjali li jingħata kontribut sabiex jiġu appoġġjati ċ-ċittadinanza Ewropea kif ukoll id-drittijiet taċ-ċittadini, jiġi promoss u implimentat bis-sħiħ id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jivvotaw u joħorġu għall-elezzjoni kif stabbilit fit-Trattat ta’ Lisbona, u billi tiġi promossa l-parteċipazzjoni elettorali, waqt li jiġu garantiti d-drittijiet assoċjati maċ-ċittadinanza tal-UE u l-eżerċitar tagħhom;

5.

ifakkar li l-istrument tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), introdott mit-Trattat ta’ Lisbona, joħloq dritt ġdid ta’ parteċipazzjoni demokratika fil-livell tal-UE li għandu jaqdi rwol importanti biex jagħti ħajja liċ-ċittadinanza Ewropea; għaldaqstant, isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu kull azzjoni meħtieġa biex tippromovi dan l-istrument;

6.

jenfasizza l-importanza li ċ-ċittadini tal-UE jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. Billi ċ-ċittadini jiġu involuti fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u fil-proċess politiku tal-pajjiż ta’ residenza tagħhom, iċ-ċittadinanza tal-UE tgħin biex tinbena d-demokrazija Ewropea (1);

7.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sens ta’ appartenenza għandu kontribut importanti sabiex l-Unjoni Ewropea tkun iktar konkreta f’għajnejn iċ-ċittadini. Għalhekk huwa importanti li jissaħħaħ dan is-sentiment, li ċ-ċittadini jkunu sensibbilizzati aktar u jkun hemm ħidma kontinwa biex iċ-ċittadini jitqarrbu lejn l-Unjoni Ewropea permezz ta’ azzjonijiet u strumenti li huma disponibbli;

8.

jinsisti fuq il-bżonn li jkun hemm kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri kollha bil-għan li tiġi promossa ċ-ċittadinanza tal-UE;

9.

jerġa’ jenfasizza l-importanza konsiderevoli tal-implimentazzjoni konkreta ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja sabiex taqdi l-interessi taċ-ċittadini f’dinja fejn il-mobilità qiegħda dejjem aktar tiżdied (2) u li d-dritt għal-libertà tal-moviment fi ħdan din iż-żona huwa aspett ewlieni taċ-ċittadinanza Ewropea;

10.

jenfasizza li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jeżerċita d-dritt tiegħu li jivvota u li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali jew Ewropej organizzati fl-Istat Membru fejn jgħix, skont kundizzjonijiet identiċi għal dawk li japplikaw għaċ-ċittadini tal-istess pajjiż (3);

11.

jirrimarka li minkejja l-fatt li l-leġislazzjonijiet elettorali nazzjonali differenti ġew armonizzati permezz ta’ direttivi Ewropej, xorta għad fadal diversi ostakli għall-eżerċitar sħiħ tad-drittijiet elettorali fil-ħajja ta’ kuljum (4). Dan huwa enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea fir-rapporti li ppubblikat dwar l-implimentazzjoni tad-Direttivi 94/80/KE u 93/109/KE (5);

12.

jilqa’ l-miżuri li ħadet il-Kummissjoni Ewropea bil-għan li telimina l-ostakli għall-eżerċitar tad-drittijiet assoċjati maċ-ċittadinanza tal-UE; f’dan il-kuntest jiddispjaċih li wħud miċ-ċittadini tal-UE ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini, minħabba l-leġislazzjoni fi Stati Membri partikolari li tiċħad id-drittijiet elettorali lil ċittadini li jgħixu jew li għexu barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw li dan id-dritt demokratiku fundamentali jiġi garantit għaċ-ċittadini kollha;

13.

japprova u jipproponi l-kooperazzjoni tiegħu fit-tfassil tar-rapport li ser tippubblika l-Kummissjoni Ewropea fl-2013, fl-okkażjoni tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, li ser jippreżenta l-progress li sar minn mindu ġie ppubblikat ir-rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza Ewropea u ser jirrakkomanda miżuri ġodda;

14.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea u sabiex kemm din kif ukoll id-drittijiet assoċjati jinfiehmu aħjar. Fil-fatt huma l-iktar poter qrib iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u jistgħu jagħtu l-ikbar kontribut fl-iżvilupp tad-demokrazija parteċipattiva u għal fehim aħjar tal-vantaġġi li toffri l-integrazzjoni Ewropea. Dan għandu jsir flimkien ma’ attivitajiet informattivi u edukattivi speċifiċi;

15.

ifakkar li d-demokrazija lokali u reġjonali trid tipprovdi l-bażi soda meħtieġa sabiex tiġi żviluppata demokrazija b’saħħitha u sostenibbli f’livelli differenti. Għal din ir-raġuni din għandha importanza kruċjali fil-parteċipazzjoni ġenerali taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet lokali u reġjonali kif ukoll fl-eżerċitar tad-drittijiet elettorali tagħhom; huwa kruċjali wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jippromovu l-edukazzjoni demokratika u ċivika fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom, u li din l-edukazzjoni tissejjes fuq l-esperjenzi ġenwini u ta’ kuljum li għandhom iċ-ċittadini tal-proċessi demokratiċi u fuq kultura ta’ governanza demokratika.

16.

iħeġġeġ liċ-ċittadini tal-Unjoni jipparteċipaw fil-ħajja lokali u politika u jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom filwaqt li jitħallew fil-libertà li jiddeċiedu huma stess jekk jipparteċipawx jew le fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej organizzati fl-Istat fejn jgħixu; iqis li biex iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jagħmlu għażla għaqlija f’dan il-kuntest, hemm bżonn li, f’sitwazzjonijiet transkonfinali, jiġu infurmati b’mod adegwat bid-drittijiet li jikkonċernawhom fit-territorju tal-Istat fejn jgħixu;

17.

japprova l-fatt li l-Programm ta’ Stokkolma (6) jiddefinixxi bħala prijorità l-applikazzjoni tad-dritt fundamentali tal-libertà ta’ moviment u, f’dan il-kuntest, il-promozzjoni u t-tisħiħ tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini kif ukoll iż-żieda fir-rata ta’ parteċipazzjoni; japprova l-fatt li mhux biżżejjed li jiġu stabbiliti d-drittijiet iżda hemm bżonn ukoll li l-benefiċjarji tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitawhom mingħajr problemi; fl-istess ħin, bħala parti mill-prijoritajiet politiċi tiegħu stabbiliti għall-2012, il-Kumitat tar-Reġjuni “jibqa’ impenjat li jikkontribwixxi għat-twettiq sħiħ tal-għanijiet tal-Programm u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Stokkolma” (7);

18.

jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li, flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, tistabbilixxi pjattaforma informali bil-għan li jiġi promoss djalogu dirett dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet elettorali. L-għan ta’ dan l-approċċ huwa li jiġu ffaċilitati u stimulati d-dibatittu u d-djalogu relatati maċ-ċittadinanza Ewropea, jiġu identifikati l-kwistjonijiet prinċipali u d-diffikultajiet u jitħeġġeġ l-iskambju ta’ esperjenza u l-aħjar prattiki;

19.

jenfasizza li l-programm tal-Kumitat tar-Reġjuni għall-2013 (8) jinkludi diversi attivitajiet li jistgħu jippromovu l-għarfien u l-eżerċitar tad-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-Unjoni;

20.

ifakkar li fis-Sena taċ-Ċittadini 2013, il-Kumitat tar-Reġjuni ser jorganizza għadd ta’attivitajiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Kummissjoni Ewropea. L-attivitajiet ser jinkludu: it-tixrid tal-informazzjoni, preżentazzjonijiet u żjarat fl-iskejjel u l-universitajiet minn membri tal-KtR; l-organizzazzjoni ta’ workshops, dibattiti pubbliċi, laqgħat fil-kunsilli lokali u avvenimenti fil-midja li jinvolvu lill-ġurnalisti lokali, dwar id-dritt tal-moviment ħieles, id-dritt tal-vot u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali; l-għoti ta’ informazzjoni onlajn dwar dawn l-attivitajiet kif ukoll id-dokumentazzjoni dwar il-passaport tal-UE tal-KtR fil-lingwi uffiċjali kollha; u preżentazzjoni tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-komunikazzjoni deċentralizzata dwar l-UE waqt il-konferenza annwali tal-EuroPCom;

Elezzjonijiet lokali u elezzjonijiet parlamentari Ewropej

21.

jenfasizza li, skont ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea (9), bħala medja, il-votanti li jgħixu fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu jipparteċipaw iktar fl-elezzjonijiet muniċipali milli fl-elezzjonijiet Ewropej (10). Din hija sejba importanti li titlob analiżi xjentifika iżjed approfondita – turi, fi kwalunkwe każ, li l-kwistjonijiet lokali jagħmlu differenza u li jimmotivaw ċerti ċittadini biex jinvolvu ruħhom. Huwa importanti li nibnu fuq dan il-momentum u nippruvaw neżaminaw liema fatturi jistgħu wkoll jimmotivaw lill-persuni biex jinvolvu ruħhom fi kwistjonijiet politiċi fil-livell tal-UE u fl-elezzjonijiet Ewropej;

22.

jenfasizza li, fil-kuntest tal-elezzjonijiet muniċipali wkoll, sfida oħra hija li jiżdied in-numru ta’ ċittadini tal-Unjoni li għandhom id-dritt għall-vot li jivvotaw fl-elezzjonijiet b’mod sħiħ u totali;

23.

huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni ta’ proġetti maħsuba għall-ġenerazzjonijiet differenti –bil-għan li dawn iċ-ċittadini jsiru jafu aktar dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej, u bil-għan li jippromovu sens ta’ appartenenza f’komunità u sabiex isiru jafu bil-vantaġġi li jistgħu jiksbu permezz ta’ simulazzjonijiet tal-elezzjoni, l-iskambju ta’ esperjenzi, l-użu ta’ diversi mezzi ta’ informazzjoni u billi tinġibed l-attenzjoni għar-rilevanza tad-deċiżjonijiet meħudin fil-livell lokali u tal-UE għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini f’belt jew żona partikolari – tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti sabiex tinftiehem il-mistoqsija “għalfejn huwa fl-interess tiegħi li nivvota?”;

24.

jenfasizza li ser ikun hemm bżonn ta’ sforzi addizzjonali fil-livelli kollha tal-governanza f’diversi livelli sabiex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u n-numru ta’ ċittadini reġistrati; iqis neċessarju li tiġi appoġġjata l-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-proċeduri elettorali, id-diffikultajiet fir-reġistrar u l-ostakli lingwistiċi;

25.

jirrakkomanda li jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi u jitlob lill-Istati Membri jintroduċu servizzi elettroniċi adatti li jippermettu li jiġu eżerċitati d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tar-reġistrar fil-listi elettorali. Għal dan il-għan jappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki;

26.

jappoġġja l-pożizzjoni u l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li dan ir-reġistrar isir awtomatikament meta ċittadin jirreġistra r-residenza tiegħu u jenfasizza li jekk tiġi ffaċilitata r-reġistrazzjoni amministrattiva fuq il-listi tal-votanti, dan jista’ jikkontribwixxi b’mod aktar effiċjenti għall-integrazzjoni u jista’ jikkontribwixxi, fost fatturi oħra, sabiex iċ-ċittadini jużaw b’mod attiv id-dritt tagħhom għall-vot;

27.

jistieden lill-Istati Membri jikkontribwixxu għall-iskambju u t-tixrid tal-esperjenzi billi jikkooperaw mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u billi jippreparaw rapporti u analiżi tas-sitwazzjoni sabiex jitkejjel kemm it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni kienu effiċjenti; u dawn għandhom ikunu disponibbli għaċ-ċittadini permezz ta’ sistemi informattivi u ta’ reklamar xierqa;

28.

iqis essenzjali li, abbażi tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli, fl-Istati Membri jkun hemm kooperazzjoni effiċjenti bejn il-livelli differenti ta’ governanza sabiex jissolvew legalment il-problemi possibbli assoċjati mal-applikazzjoni tal-leġislazzjonijiet nazzjonali relatati mal-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tad-drittijiet elettorali u jitqiesu l-proposti tekniċi;

29.

jistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex ineħħu l-ostakli għall-eżerċitar tad-dritt li ċittadin joħroġ għall-elezzjoni billi jippermettu wkoll liċ-ċittadini tal-UE li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru li fih huma residenti li joħorġu bħala kandidati u jassumu rwol politiku;

30.

jirrakkomanda lill-Istati Membri joħolqu punti ta’ kuntatt sabiex jgħinu fil-ġbir u l-evalwazzjoni regolari tad-data dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej li mhumiex ċittadini tal-Istat Membru fejn jgħixu u li ħarġu bħala kandidati jew ġew eletti. Dan jista’ jiffaċilita wkoll l-iskambju ta’ esperjenzi bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE;

31.

fir-rigward tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jenfasizza li l-mekkaniżmu implimentat mid-Direttiva Ewropea sabiex jiġi evitat li ċ-ċittadini jivvotaw jew joħorġu bħala kandidati f’żewġ pajjiżi mhux dejjem huwa biżżejjed; għalhekk jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fir-rieda tagħha li tipprepara proposta ġdida sabiex il-problema tiġi indirizzata aħjar filwaqt li jiġi assigurat li l-leġislazzjoni li tirriżulta ma toħloqx tfixkil amministrattiv ġdid għall-eżerċitar tad-dritt taċ-ċittadini Ewropej li joħorġu għall-elezzjonijiet tal-PE fil-pajjiż ta’ residenza;

32.

jenfasizza kemm huwa importanti, fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkunu konxji aktar mid-drittijiet tagħhom kif ukoll mid-drittijiet elettorali fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom u li jkunu jistgħu jeżerċitaw dawn id-drittijiet;

33.

jaħseb li l-partiti politiċi Ewropej huma elementi ewlenin biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar politiki Ewropej u għall-espressjoni tar-rieda politika taċ-ċittadini tal-Unjoni u għandhom jaġixxu bħala pont bejn il-politiki nazzjonali u Ewropej, jesprimu l-fehma taċ-ċittadini u jippermettu li jiġu organizzati dibattiti miftuħa dwar il-kwistjonijiet Ewropej waqt li tiġi appoġġjata l-interazzjoni bejn il-livelli differenti tas-sistema ta’ governanza f’diversi livelli tal-Unjoni Ewropea; għalhekk iħeġġeġ lill-partiti politiċi Ewropej biex jintensifikaw l-attività tagħhom u jiżviluppaw mezzi ġodda kif joħolqu sensibilizzazzjoni politika, pereżempju billi jippreżentaw kandidati ewlenin għall-ogħla karigi Ewropej fl-elezzjonijiet Ewropej jew billi jmexxu listi ta’ kandidati transnazzjonali fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

Il-programmi finanzjarji tal-UE għas-servizz taċ-ċittadinanza Ewropea

34.

iħoss li huwa importanti li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jafu aktar dwar l-istatus legali (11) tagħhom, jitjieb l-għarfien tagħhom dwar id-drittijiet u r-responsabbiltajiet assoċjati maċ-ċittadinanza Ewropea, jiġu appoġġjati l-possibbiltajiet li joffru l-proġetti u l-fondi Ewropej destinati sabiex tinfirex l-informazzjoni permezz ta’ konferenzi, seminars, taħriġ, skambji ta’ prattika tajba u attivitajiet ta’ kooperazzjoni, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-programmi “Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza” u “L-Ewropa għaċ-ċittadini”; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jipparteċipaw b’mod attiv fil-proġetti transkonfinali u fil-ġemellaġġi tal-bliet;

35.

jaħseb li l-programmi Ewropej li jservu liċ-ċittadinanza tal-UE huma dawk li għandhom l-għan globali li jappoġġjaw l-attivitajiet li jippromovu l-għarfien u jimplimentaw il-liġi Ewropea u l-politiki Ewropej fl-Istati Membri, li jistimulaw il-kooperazzjoni transkonfinali u li jsaħħu l-għarfien li ġej mill-oqsma differenti ta’ azzjoni;

36.

itenni l-possibbiltà li jiġu implimentati proġetti u azzjonijiet li għandhom l-għan li jagħmlu ċ-ċittadinanza Ewropea realtà tanġibbli u li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-piżijiet u l-ostakli amministrattivi, billi jiġu appoġġjati l-forom differenti ta’ kooperazzjoni territorjali;

37.

jenfasizza li hemm bżonn li jiġi adottat approċċ aktar sempliċi u aktar effiċjenti fir-rigward tal-finanzjament ta’ programmi marbutin maċ-ċittadinanza tal-UE, bi prijoritajiet definiti aħjar li jimxu id f’id mal-prijoritajiet politiċi. Hemm bżonn ukoll li jiġu distribwiti r-riżultati tal-proġetti sabiex titjieb il-viżibilità tagħhom; iqis li, sabiex jinkisbu l-għanijiet strateġiċi u politiċi, jeħtieġ li jiġu appoġġjati t-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni, jissaħħu n-netwerks u tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transkonfinali; barra minn hekk jinsisti fuq l-importanza li l-programmi favur iċ-ċittadinanza Ewropea jsiru aktar attraenti billi titjieb il-pubbliċità permezz ta’ preżentazzjonijiet fl-Istati Membri;

Ir-rwol tat-tagħlim u taż-żgħażagħ f’ċittadinanza Ewropea attiva

38.

jenfasizza li fil-kuntest tat-tisħiħ tal-attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni tal-proġetti Ewropej, hemm bżonn li tingħata aktar attenzjoni liż-żgħażagħ billi jiġu involuti l-iskejjel u l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni għolja. F’opinjoni fuq inizjattiva proprja, il-Kumitat tar-Reġjuni enfasizza b’mod partikolari l-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni (12).

39.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol essenzjali li taqdi l-politika tal-edukazzjoni sabiex tinforma liċ-ċittadini Ewropej u b’mod aktar partikolari liż-żgħażagħ, bil-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea u d-drittijiet assoċjati u jenfasizza li din il-politika għandha tikkontribwixxi iktar għall-promozzjoni tal-multinlingwiżmu u l-mobbiltà tal-istudenti u l-għalliema;

40.

iqis importanti li ż-żgħażagħ jiġu pprovduti b’informazzjoni wiesgħa sabiex isiru ċittadini votanti infurmati u jqis li huwa iktar neċessarju li ż-żgħażagħ jingħataw spjegazzjoni tal-kwistjonijiet u ta’ dak li qed jivvotaw għalih fl-elezzjonijiet;

41.

jiġbed l-attenzjoni għall-esperjenza kbira li għandu l-Kunsill tal-Ewropa fil-kuntest tat-tagħlim billi jippromovi l-iżvilupp ta’ netwerks u jirrakkomanda li jkun hemm kooperazzjoni u skambju ta’ esperjenzi anke abbażi tal-ħidma mwettqa mill-Kunsill f’dan il-qasam;

42.

jinsab konvint li l-kampanji ta’ informazzjoni jistgħu jtejbu l-għarfien tad-drittijiet assoċjati maċ-ċittadinanza Ewropea u li jiżdied in-numru ta’ ċittadini Ewropej li joħorġu jivvotaw. Il-Kumitat jemmen ukoll li l-kooperazzjoni abbażi ta’ sħubija bejn l-iskejjel u l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni għolja u istituzzjonijiet oħra ta’ taħriġ għandhom rwol importanti x’jaqdu f’dan ir-rigward; jirrimarka li studenti minn pajjiżi oħra tal-Unjoni ta’ spiss isegwu l-korsijiet tal-kulleġġi u l-universitajiet bħala parti minn programmi ta’ skambju u għalhekk l-eżerċitar tad-dritt tagħhom li jivvotaw jista’ jitħeġġeġ permezz ta’ dan;

Proposti sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni elettorali

43.

jenfasizza li fil-prattika jidher li meta l-elezzjonijiet leġislattivi u l-elezzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu organizzati flimkien, ir-rata ta’ parteċipazzjoni tista’ tiżdied (13);

44.

ifakkar li abbażi tal-opinjoni tiegħu dwar il-Pjan ta’ Azzjoni li jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma (14), il-Kumitat tar-Reġjuni jistieden lill-atturi kkonċernati kollha sabiex jistudjaw il-mod kif tiżdied il-possibbiltà għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet organizzati fit-territorju tal-Istat tagħhom ta’ residenza;

45.

meta jitqies li, b’mod partikolari fir-rigward tal-leġislazzjoni dwar il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej, il-leġislazzjoni Ewropea fis-seħħ ma timplikax armonizzazzjoni kompleta tal-iskemi elettorali fl-Istati Membri, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Istati Membri, fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, sabiex jassiguraw il-possibbiltà li ċ-ċittadini jipparteċipaw mhux biss fl-elezzjonijiet muniċipali iżda wkoll fl-elezzjonijiet reġjonali sabiex jiġi estiż l-eżerċitar tad-dritt għall-vot assoċjat maċ-ċittadinanza Ewropea;

46.

jesprimi r-rieda tiegħu li jappoġġja b’mod attiv l-iżviluppi tal-inizjattiva taċ-ċittadinanza Ewropea “Let me vote”;

47.

b’rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jissuġerixxi li l-Istati Membri jistgħu jesploraw miżuri li jistgħu jippermettu li l-iskeda tal-elezzjonijiet lokali u reġjonali tintrabat ma’ dik tal-elezzjonijiet Ewropej; iqis li dan jista’ jagħmel liċ-ċittadini tal-UE konxji tal-impatt tal-elezzjonijiet lokali, reġjonali u Ewropej fuq il-ħajja tagħhom ta’ kuljum;

48.

jirrikonoxxi d-diversità strutturali li għandhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri differenti u l-fatt li dawn l-awtoritajiet jirriflettu tradizzjonijiet legali u amministrattivi differenti;

49.

jaqbel mal-Parlament Ewropew li l-elezzjonijiet Ewropej għandhom jitressqu minn Ġunju għal Mejju u jemmen li dan jista’ jħalli influwenza pożittiva fuq il-parteċipazzjoni elettorali;

50.

iqis essenzjali li ċ-ċittadini Ewropej isiru aktar konxji tal-approċċ elettorali u jissaħħu l-interess u l-motivazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward; huwa jirrakkomanda lill-Istati Membri biex, fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u bil-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni elettorali, janalizzaw fit-tul il-possibbiltà li l-proċess elettorali jsir aktar aċċessibbli, pereżempju billi jintużaw il-votazzjoni minn qabel, il-votazzjoni elettronika jew il-postijiet mobbli ta’ votazzjoni; f’dan ir-rigward għandhom jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltajiet, li jesiġu b’mod espliċitu l-aċċess sħiħ u mingħajr xkiel anke għall-elezzjonijiet;

51.

jinnota li minkejja li l-miżuri ffukati fuq l-għan li jinfurmaw liċ-ċittadini tal-UE bid-drittijiet elettorali tagħhom, għad hemm differenzi konsiderevoli fir-rigward tar-rata ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li sabiex jiġi promoss id-dritt tal-vot, jeħtieġ li jiġi promoss u msaħħaħ l-iskambju tal-esperjenza tal-aqwa prattika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam;

52.

jirrimarka li l-ħolqien ta’ rabta bejn il-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea u l-perspettivi lokali u reġjonali u li ċ-ċittadini jitfakkru bl-importanza tar-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess Ewropew tat-teħid ta’ deċiżjonijiet jikkontribwixxu sabiex iċ-ċittadini joħorġu jivvotaw;

53.

fid-dawl tal-Opinjoni tal-KtR dwar “Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE”, huwa importanti li jissaħħu wkoll id-drittijiet politiċi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. F’għadd ta’ Stati Membri tal-UE, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom id-dritt li jivvutaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet lokali u reġjonali. Probabbli, dan jikkontribwixxi għal żieda fl-interess fl-elezzjonijiet fost iċ-ċittadini barranin, u dan min-naħa tiegħu jimplika żieda fid-domanda għal materjal ta’ informazzjoni b’diversi lingwi;

54.

jirrakkomanda li jsir sforz sabiex tiġi implimentata kooperazzjoni kbira bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, ir-rappreżentanti tagħhom, iċ-ċentri Europe Direct, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba ekonomiċi u soċjali sabiex iċ-ċittadini tal-UE li laħqu l-età tal-votazzjoni jkunu jistgħu jiksbu għarfien responsabbli tad-drittijiet tagħhom u kif jistgħu jeżerċitawhom;

55.

jenfasizza l-importanza li fil-kampanji ta’ għarfien, ta’ informazzjoni u ta’ edukazzjoni żviluppati fil-kuntest tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadinanza b’mod konġunt mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-korpi governattivi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja, jintuża lingwaġġ sempliċi u li jintuża miċ-ċittadini; il-pubblikazzjonijiet u d-dokumenti għaċ-ċittadini jridu jkunu disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;

56.

iqis essenzjali li tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali minn naħa u l-midja min-naħa l-oħra. F’dan ir-rigward il-Kumitat tar-Reġjuni jista’ jorganizza kompetizzjoni għall-aqwa artikli u rapportili jkunu qrib ħafna taċ-ċittadini dwar it-tema tal-elezzjonijiet, l-eżerċitar tad-drittijiet elettorali u l-istadji differenti tal-proċess elettorali.

Brussell, 31 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  CdR 355/2010.

(2)  CdR 201/2009.

(3)  Artikoli 39 u 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (2010/C 83/02) u Artikoli 20(2)(b) u 22 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(4)  Direttiva 94/80/KE; Direttiva 93/109/KE.

(5)  COM(2012) 99 final; COM (2010) 605 final.

(6)  CdR 361/2011 fin.

(7)  Dokument tal-Kunsill 17024/09 adottat mill-Kunsill Ewropew fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2009.

(8)  R/CdR 1030/2012 punt 7.

(9)  COM(2012) 99 final.

(10)  Bl-eċċezzjoni ta’ xi bliet kapitali fir-rigward tal-aħħar elezzjonijiet: Ateni, Budapest, Kopenħagen u Riga.

(11)  CdR 355/2010.

(12)  CdR 173/2007.

(13)  Pereżempju, f’Berlin li hija wkoll provinċja; f’Ruma fl-2008, f’Koblenza fl-2009 u fir-Renju Unit fl-2010.

(14)  CdR 170/2010.


2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/32


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Noħolqu sinerġiji ikbar bejn il-baġits tal-UE, nazzjonali u sottonazzjonali”

2013/C 62/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal sehem sostanzjali tan-nefqa pubblika fl-Ewropa; jinnota li l-investimenti pubbliċi sottonazzjonali għandhom it-tendenza li jkunu kkonċentrati f’għadd ta’ setturi prijoritarji ewlenin li huma ta’ importanza kritika għas-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 u sussegwentement, jappella biex tingħata prijorità politika iktar b’saħħitha lill-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-baġits tal-UE, tal-Istati Membri u dawk sottostatali (tal-awtoritajiet lokali u reġjonali);

jinnota li minkejja d-daqs relattivament ċkejken, il-Baġit tal-UE u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandhom rwol ewlieni ta’ effett ta’ lieva x’jaqdu fl-istimolar tal-investiment fit-territorju tal-UE;

jilqa’ b’sodisfazzjon id-dibattiti li għaddejjin kontinwament fil-livell Ewropew dwar kif tista’ tiġi komplementata l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) attwali permezz tal-introduzzjoni ta’ qafas baġitarju integrat tal-UE, u jqis li l-livell għoli ta’ dipendenza u effetti konsegwenzjali bejn l-ekonomiji u l-politiki baġitarji taż-żona tal-euro jwasslu għal ħtieġa essenzjali biex tiġi żviluppata kapaċità fiskali li tkun tista’ tiffaċilita l-aġġustamenti għax-xokkijiet ekonomiċi;

madankollu, jesprimi t-tħassib tiegħu li qed isiru sforzi kkonċentrati lejn aktar ċentralizzazzjoni tal-poteri u tat-teħid tad-deċiżjonijiet mingħajr ma jkunu involuti b’mod effettiv l-awtoritajiet sottostatali f’din id-diskussjoni, u jinnota li ma jistax ikun hemm unjoni fiskali ġenwina mingħajr definizzjoni tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-livelli differenti ta’ gvern (federaliżmu fiskali), rabta iktar espliċita bejn l-allinjament ta’ politika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet baġitarji, u viżjoni ambizzjuża dwar kif għandhom jiġu msaħħa s-sinerġiji vertikali bejn il-baġits tal-UE, nazzjonali u lokali/reġjonali permezz ta’ mekkaniżmi adatti ta’ koordinazzjoni;

jilqa’ l-inklużjoni fir-Rapport dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM tal-2012 tal-Kummissjoni Ewropea ta’ kapitlu dwar id-Deċentralizzazzjoni Fiskali fl-UE għall-ewwel darba, u jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi kapitlu bħal dan dwar l-istat tal-finanzi sottostatali f’aktar ħarġiet annwali ta’ dan ir-rapport;

isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis il-merti u l-prattikalitajiet (kif ukoll l-isfidi/spejjeż amministrattivi potenzjali) ta’ żvilupp lejn aktar armonizzazzjoni taċ-ċikli baġitarji fl-UE, u l-promozzjoni u t-tħeġġiġ tal-użu ta’ oqfsa baġitarji ta’ terminu medju (MTBF) fil-livell sottostatali;

isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tippubblika Green Paper li tindirizza dawn il-kwistjonijiet.

Relatur

Is-Sur Glyn THOMAS (UK/AE), membru tal-Assemblea Nazzjonali għal Wales

Dokument ta’ referenza

 

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għal sehem sostanzjali tan-nefqa pubblika fl-Ewropa: fl-2011 in-nefqa sottonazzjonali tas-settur pubbliku rrappreżentat 16,7 % tal-PDG u 34 % tan-nefqa pubblika kollha fl-Ewropa (11,9 % (EUR 272,2 biljun) u 24,3 %, rispettivament, għas-settur pubbliku lokali biss), filwaqt li tirrappreżenta wkoll madwar żewġ terzi tal-investimenti diretti fl-2011 fl-Ewropa (1);

2.

jinnota li l-investimenti pubbliċi sottonazzjonali għandhom it-tendenza li jkunu kkonċentrati f’għadd ta’ setturi prijoritarji ewlenin li huma ta’ importanza kritika għas-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020, bħall-affarijiet ekonomiċi, l-edukazzjoni, l-ambjent, id-djar u l-infrastruttura fil-komunità, li jfisser li l-impatt tal-miżuri ta’ awsterità (26 % fir-Renju Unit, ’il fuq minn 30 % fi Spanja) ser ikollhom effetti indiretti fuq it-tilħiq tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 (pereżempju il-baġit tal-kapital ta’ investiment tnaqqas b’42 % f’Wales);

3.

sussegwentement, jappella biex tingħata prijorità politika iktar b’saħħitha lill-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-baġits tal-UE, tal-Istati Membri u dawk sottostatali (tal-awtoritajiet lokali u reġjonali) li jiffokaw fuq it-twettiq tal-prijoritajiet tal-UE, b’mod partikolari l-Istrateġija Ewropa 2020, u jtenni s-sejbiet tal-istudju tal-2010 tal-Parlament Ewropew li stqarr li “is-sinerġija, inġenerali, bejn l-objettivi strateġiċi ta’ politika tal-UE u l-politiki baġitarji hija dgħajfa … huwa rari li l-baġits nazzjonali jirreferu għall-kontribut tagħhom għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona [Ewropa 2020] jew strateġiji oħra tal-UE …” (2);

4.

jenfasizza li, fil-kuntest tal-kriżi li għaddejja bħalissa, il-prevalenza ta’ tnaqqis fil-baġit minħabba miżuri ta’ awsterità fil-livell tal-Istati Membri u dak sottostatali, u l-pressjoni enormi li dan iħalli fuq in-nefqa pubblika, ifisser li huwa objettiv politiku importanti t-titjib fl-“effikaċja u l-effettività”;

5.

jilqa’ l-fatt li l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jenfasizzaw li “il-possibbiltajiet offruti mill-qafas baġitarju eżistenti tal-UE biex il-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku produttiv jiġu bbilanċjati mal-objettivi tad-dixxiplina baġitarja” għandhom ikomplu “jiġu sfruttati fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir”. Dan l-objettiv isir aktar topiku fid-dawl tas-sejbiet reċenti tal-Fond Monetarju Internazzjonali li l-hekk imsejħa multiplikaturi fiskali, li jkejlu l-impatt tal-konsolidazzjoni tal-baġit fuq it-tkabbir, kienu sostanzjalment ogħla minn dak antiċipat mill-analisti matul il-kriżi tad-dejn. Għaldaqstant huwa jistenna li l-Kummissjoni tkompli tindirizza l-kwistjoni fi ħdan il-Komunikazzjoni mħabbra dwar il-kwalità tal-infiq pubbliku li, fost affarijiet oħra, għandha tqis il-kwistjoni li fil-kalkoli tad-defiċit baġitarju jkun hemm distinzjoni bejn l-infiq attwali u l-investiment, sabiex jiġi evitat li l-investimenti pubbliċi b’benefiċċji netti fit-tul jiġu kkalkolati bħala negattivi;

6.

jenfasizza li d-diskussjonijiet dwar “sinerġiji” bl-ebda mod m’għandhom jintużaw bħala ġustifikazzjoni fil-għamla ta’ “żiemel ta’ trojja” għat-tnaqqis tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), u lanqas għandhom ikunu skuża biex jiġi nazzjonalizzat mill-ġdid il-finanzjament ta’ elementi tal-baġit tal-UE (pereżempju l-Fondi Strutturali fl-Istati Membri hekk imsejħa “iżjed għonja”) jew tiġi leġittimata l-kundizzjonalità makroekonomika;

Sinerġiji bejn il-baġit tal-UE u l-baġits lokali/reġjonali

7.

itenni li l-baġit tal-UE jirrappreżenta sehem żgħir (madwar 2 %) tan-nefqa pubblika globali fl-UE u fih innifsu mhuwiex biżżejjed biex iwassal l-investimenti diretti orjentati lejn il-futur, li jammontaw għal EUR 1 800 biljun, meħtieġa mill-inizjattivi ewlenin taħt l-Ewropa 2020 (kif identifikati fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-proposti tal-QFP); dan ifisser li sabiex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020 se jkun hemm bżonn ta’ mobilizzazzjoni effettiva tal-finanzi pubbliċi u privati fil-livell tal-Istati Membri u dak sottostatali, inkluż permezz tal-iffinanzjar tas-self u l-promozzjoni ta’ sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat;

8.

jinnota li minkejja d-daqs relattivament ċkejken, il-Baġit tal-UE u l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandhom rwol ewlieni ta’ effett ta’ lieva x’jaqdu fl-istimolar tal-investiment fit-territorju tal-UE, b’mod partikolari (iżda mhux esklussivament) permezz tal-fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni (QSK) li jingħataw u jiġu implimentati fil-livell territorjali (f’ħafna każi mill-awtoritajiet lokali u reġjonali) u li joħolqu effett “multiplikatur” importanti fuq l-ekonomija;

9.

jenfasizza li matul il-kriżi ekonomika l-finanzjament tal-UE, b’mod partikolari l-Fondi tal-QSK, ipprovda finanzjar stabbli u sigur lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, u f’ħafna każi kien “l-uniku finanzjament disponibbli” sabiex jiġu appoġġati investimenti pubbliċi u inizjattivi ewlenin, fejn il-baġits lokali, reġjonali u nazzjonali ċkienu bil-kbir, u fil-każ tal-fondi mill-Bank Ewropew tal-Investiment għenu biex jimtela vojt kbir fil-finanzi bbażati fuq is-self b’riżultat tal-impatt tal-kriżi finanzjarja; u jenfasizza l-impatt potenzjalment negattiv tal-kundizzjonalitajiet makro-ekonomiċi proposti dwar l-istabbilità meqjusa tal-finanzjament tal-QSK;

10.

jenfasizza l-effett ta’ lieva u l-effett multiplikatur li dawn l-investimenti għandhom fir-rigward tal-benefiċċji diretti u indiretti lill-ekonomija lokali u lil hinn:

il-Kummissjoni Ewropea testima li għall-perjodu ta’ programmar 2000-2006 il-Fondi Strutturali tal-UE kellhom effett ta’ lieva medju ta’ EUR 2,1 għal kull kontribut ta’ EUR 1 ta’ flus tal-UE;

għall-2014-2020 il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet mira ta’ EUR 4,2 għal kull EUR 1 investit permezz tal-Politika ta’ Koeżjoni;

id-DĠ Politika Reġjonali jestima li l-effett multiplikatur permezz taż-żieda fl-introjtu tal-PDG għall-2007-2013 se jkun 1 % fi Spanja, 3 % fil-Polonja, fis-Slovakkja u fir-Rumanija, u ’l fuq minn 5 % fl-Istati Baltiċi;

stimi oħrajn jikkalkolaw li ż-żieda fl-introjtu tal-PDG se tkun madwar 8,5 % għall-Irlanda u 19,6 % għal Spanja għall-perjodu 1999-2010, għalkemm l-impatt tal-kriżi se jċekken dawn iċ-ċifri. Wieħed għandu jinnota wkoll li hemm diffikultajiet metodoloġiċi fil-kalkolu tal-effetti multiplikaturi;

11.

itenni li l-effetti ta’ lieva tal-Fondi tal-QSK mhumiex biss finanzjarji, iżda wkoll jistgħu jitqiesu mil-lenti ta’ “politika”, permezz tal-allinjament tal-prijoritajiet strateġiċi lokali u reġjonali madwar il-prijoritajiet fil-livell tal-UE, u benefiċċji oħrajn bħat-tisħiħ tas-sħubija u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ kooperazzjoni transnazzjonali, b’għadd kbir ta’ eżempji ta’ prattika tajba madwar l-Ewropa; u jenfasizza l-valur tal-appoġġ mill-BEI permezz tal-istrumenti varji ta’ self finanzjarju, fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-livell lokali u reġjonali għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni ta’ skemi ġodda u innovattivi;

12.

jirrikonoxxi, madankollu, li r-rati baxxi ta’ assorbiment f’xi nħawi tal-Ewropa huma evidenza ta’ konġestjoni fl-implimentazzjoni tal-Fondi ta’ Koeżjoni u l-Fondi Strutturali fil-prattika. Jinnota b’mod partikolari d-dgħufijiet identifikati minn studju reċenti tal-OECD (3) fir-rigward ta’ arranġamenti u kapaċitajiet amministrattivi u oqfsa regolatorji f’xi Stati Membri u awtoritajiet sottostatali, u l-ħtieġa għal interventi sabiex dawn jiġu indirizzati;

13.

jilqa’ bil-ħerqa l-isforzi li qed tieħu l-Kummissjoni Ewropea biex tissemplifika r-regoli għall-ġestjoni, l-implimentazzjoni u r-rappurtar dwar proġetti appoġġati mill-fondi tal-QSK, li għandu jgħin xi ftit lir-rati ta’ assorbiment. Jirrikonoxxi l-ħtieġa biex jinstab bilanċ bejn kontrolli effettivi u biżżejjed flessibilità sabiex jitneħħew il-piżijiet regolatorji mhux meħtieġa, u għaldaqstant jilqa’ kull sforz lejn approċċ lejn il-verifika iktar imsejjes fuq ir-riskju;

14.

jiddispjaċih li qed ikompli jiġi impost l-isforz tal-prefinanzjament tal-investimenti fuq l-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali li jgawdu mill-istatus ta’ awtorità ta’ ġestjoni għall-programmi Ewropej. Dan jimplika sforz finanzjarju diffiċli fis-sitwazzjoni attwali ta’ restrizzjonijiet fuq is-swieq finanzjarji. Jekk jiġi impost il-prinċipju tal-prefinanzjament tal-investimenti, l-Unjoni Ewropea ser titlef opportunità unika biex tinjetta riżorsi finanzjarji maħsubin b’mod speċifiku għall-impuls ekonomiku u t-tibdil strutturali, u b’hekk tipprovdi avvanzi tar-riżorsi aktar qawwija li jippermettu l-finanzjament bir-ritmu neċessarju biex jibdew jinkisbu r-rimborżi;

15.

jaħseb li Qafas Finanzjarju Pluriennali b’allokazzjoni tal-fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni inqas minn dik proposta mill-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 mhuwiex aċċettabbli għaliex dan idgħajjef lill-Unjoni Ewropea fi żmien meta għandha bżonn tissaħħaħ l-aktar;

16.

isejjaħ għal aktar trasparenza fil-proċessi baġitarji lokali u reġjonali sabiex jiġi rikonoxxut b’mod espliċitu l-kontribut li l-fondi tal-QSK jagħmlu lill-istrateġiji ta’ investiment tar-reġjun, u biex jintwera fl-abbozzi tal-baġits annwali kif il-finanzjament tal-UE qed jiġi ppjanati f’ċiklu baġitarju. Jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippreżentaw eżempji ta’ prattika tajba ta’ dan it-tip ta’ approċċ fl-ippjanar baġitarju;

17.

jenfasizza t-tħassib mill-awtoritajiet lokali madwar l-UE dwar ir-rwol li l-gvernijiet tal-Istati Membri (u dawk reġjonali) jista’ jkollhom fil-prevenzjoni tal-użu sħiħ ta’ strumenti legali fi ħdan ir-regoli tal-Fondi Strutturali li jippermettu s-sottodelega ta’ partijiet tat-twettiq u l-implimentazzjoni tal-programm; isejjaħ sabiex dan jiġi indirizzat fil-programmi għall-2014-2020, sabiex jiġi ottimizzat l-użu tal-istrumenti l-ġodda (bħall-Investimenti Territorjali Integrati, l-Operazzjonijiet Integrati, il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Konġunta u l-Iżvilupp Lokali mmexxi mill-Komunità) previsti fl-abbozz tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni tal-Fondi tal-QSK;

18.

jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward ir-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew adottat fil-15 ta’ Jannar 2013 dwar sinerġiji fi ħdan il-baġit tal-UE, li jiffoka b’mod partikolari fuq il-Fondi tal-QSK. Jinnota b’interess l-eżempji ta’ inizjattiva fil-prattika li għandhom l-għan li jissemplifikaw l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ finanzjament għall-benefiċċjarji;

19.

jappoġġja bil-qawwa l-appell li għamel il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar “is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2012” sabiex fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li jmiss il-Kummissjoni “tindirizza bi sħiħ ir-rwol tal-baġit tal-UE fil-proċess tas-Semestru Ewropew billi tipprovdi data fattwali u konkreta dwar l-effetti li jqanqlu bidla, katalitiċi, sinerġetiċi u kumplimentari fuq in-nefqa pubblika ġenerali fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali”;

20.

jilqa’ b’sodisfazzjon li ssir aktar diskussjoni dwar l-ambitu fi ħdan il-qafas leġislattiv tal-UE sabiex tiġi semplifikata l-implimentazzjoni ta’ programmi fil-prattika, jiġu ffokati l-enerġiji fuq l-appoġġ ta’ proġetti u inizjattivi li jwasslu “bidla trasformattiva”. Dan jista’ jinkludi li tingħata ħarsa lejn il-possibilitajiet li jinħoloq “fond ta’ investiment territorjali uniku” (li jgħaqqad flimkien il-fondi diversi tal-UE, tal-Istati Membri u dawk sottostatali) jew il-ħolqien ta’ “punt ta’ kuntatt waħdieni” għall-aċċess għall-fondi, b’regoli armonizzati, gwida komprensiva u ċara, u aktar enfasi fuq kif jinkisbu riżultati sostenibbli li jwasslu biex il-fondi jilħqu l-utent aħħari iktar malajr u li jkun hemm implimentazzjoni iktar strateġika fil-prattika. It-tagħqid tal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni mal-fondi kollha se jwassal għal koordinazzjoni mtejba u titnaqqas id-dupplikazzjoni;

21.

jargumenta li diskussjoni dwar sinerġiji bejn il-baġits tal-UE, tal-Istati Membri u dawk sottostatali trid tkopri wkoll sinerġiji fi ħdan il-baġit tal-UE, inklużi programmi tematiċi bħall-Orizzont 2020, Erasmus għal Kulħadd, il-Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, COSME, eċċ., li għandhom rilevanza diretta u impatt dirett fil-livell territorjali u għandhom ukoll influwenza ċara fuq prijoritajiet bħar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-kompetittività tal-SMEs fi ħdan il-Fondi tal-QSK;

22.

għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi mwettqa sabiex jitjieb il-qafas leġislattiv għall-2014-2020 sabiex jitħeġġu sinerġiji, pereżempju, l-inklużjoni tal-Artikolu 55.8 tar-Regolament dwar il-Fondi tal-QSK, u jsejjaħ għal aktar pubbliċità dwar proġetti/inizjattivi li huma żviluppati bl-użu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ġodda, sabiex jiġi promoss għarfien dwar kif dawn is-sinerġiji jistgħu jintlaħqu fil-prattika;

23.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tispjega fid-dettall kif ir-regolazzjoni tal-governanza tal-politika ekonomika tal-UE u kwistjonijiet oħra ta’ finanzi pubbliċi se taffettwa l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiddeċiedu dwar il-kontenut tal-baġits tagħhom;

24.

jiddispjaċih li d-dibattitu attwali dwar it-tisħiħ tal-unjoni ekonomika, monetarja u politika fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) u fis-sens usa’ tal-UE, huwa limitat għall-istituzzjonijiet ewlenin tal-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri, mingħajr ebda, jew ftit, konsiderazzjoni għal-livell sottostatali, minkejja l-impatt li ċentralizzazzjoni iktar b’saħħitha tal-kontroll fil-livell tal-UE jista’ jkollu fuq id-drittijiet u r-responsabbiltajiet baġitarji fil-livell sottostatali u d-deċentralizzazzjoni fiskali;

25.

jiddispjaċih ukoll dwar il-falliment kontinwu, xhieda tiegħu t-Tielet Rapport ta’ Monitoraġġ tal-Ewropa 2020 tal-Kumitat tar-Reġjuni ppubblikat f’Ottubru, li jiġu involuti b’mod effettiv l-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-UE b’mod li jagħmel sens fis-Semestru Ewropew, u jtenni li sinerġiji bejn proċessi baġitarji ma jistgħux jintlaħqu mingħajr sinerġiji fi ħdan il-proċess tat-tfassil tal-politika u ta’ monitoraġġ;

Lejn unjoni fiskali: governanza ekonomika u politika qed tinbidel

26.

jilqa’ b’sodisfazzjon id-dibattiti li għaddejjin kontinwament fil-livell Ewropew dwar kif tista’ tiġi komplementata l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) attwali permezz tal-introduzzjoni ta’ qafas baġitarju integrat tal-UE, biex jiġu żgurati politiki baġitarji sostenibbli fl-Istati Membri;

27.

jinnota li din hija diskussjoni li għadha qed tevolvi, u jista’ jkollha implikazzjonijiet sinifikanti fuq kif kwistjonijiet ta’ sinerġiji bejn il-baġits tal-UE, tal-Istati Membri u dawk sottostatali jiġu indirizzati fil-ġejjieni;

28.

jesprimi t-tħassib tiegħu li qed isiru sforzi kkonċentrati lejn aktar ċentralizzazzjoni tal-poteri u tat-teħid tad-deċiżjonijiet mingħajr ma jkunu involuti b’mod effettiv l-awtoritajiet sottostatali f’din id-diskussjoni, u jinnota li r-Rapport dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM tal-2012 tal-Kummissjoni Ewropea jenfasizza kemm huwa affidabbli l-mudell fiskali federalist li jgħaddi r-responsabbiltajiet għall-ġbir ta’ flus kif ukoll għall-infiq lill-awtoritajiet sottostatali;

29.

josserva li l-bidliet fil-governanza ekonomika tal-UE (introdotti permezz tas-Semestru Ewropew, is-“Six-Pack”, it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza, u l-proposti dwar it-“Two-Pack”) irriżultaw fl-iżvilupp ta’ regoli iżjed stretti għas-sorveljanza tal-finanzi pubbliċi lokali u reġjonali fil-livell tal-Istati Membri (permezz tat-traspożizzjoni tal-hekk imsejħa “regola tad-deheb” mil-livell tal-Istati Membri għal-livell sottostatali f’diversi Stati Membri);

30.

iqajjem tħassib li t-traspożizzjoni tar-regoli inklużi f’inizjattivi intergovernattivi bħat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (jew il-Patt Fiskali) għall-kostituzzjonijiet jew il-leġislazzjoni nazzjonali saret mingħajr konsultazzjoni adatta minn qabel tal-Kumitat tar-Reġjuni jew tad-dimensjoni reġjonali u lokali tal-kwistjonijiet fuq il-mejda, u jenfasizza l-importanza li jibqa’ rrispettat il-metodu komunitarju fil-passi li jmiss lejn Unjoni Fiskali;

31.

isejjaħ biex b’urġenza jkunu involuti, b’mod aktar trasparenti u effettiv, l-awtoritajiet sottostatali mal-poteri baġitarji fid-diskussjonijiet għaddejjin bħalissa dwar dawn il-kwistjonijiet, kif ukoll biex ikun involut b’mod formali l-Kumitat tar-Reġjuni fil-bidliet sussegwenti possibbli fit-Trattat;

32.

jinnota differenza totali fl-approċċ bejn l-istorja tal-federaliżmu fiskali fl-Istati Uniti u l-ewwel passi lejn unjoni fiskali fl-UE. Infatti l-Istati Uniti għażlet triq fejn il-gvern federali la jimponi u lanqas jinforza regoli baġitarji bbilanċjati għall-Istati (kif ukoll l-awtoritajiet tal-Istat permezz tal-muniċipalitajiet): dawn ir-regoli ġew adottati minnhom b’mod awtonomu u implimentati b’mod indipendenti mill-gvern federali wara li daħlet regola ċara dwar “l-ebda bail out” mit-tieni. Ir-riżultat huwa sjieda totali mil-livell tal-gvern ikkonċernat meta wieħed iqis l-aspett endoġenu tal-proċess. Għall-kuntrarju, fl-UE it-trażżin tad-dejn huwa impost u inforzat ċentralment mill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li x-xenarju li jfalli Stat Membru (jew anke muniċipalità fi ħdan Stat Membru) jidher eskluż a priori;

33.

għaldaqstant iqis li l-livell għoli ta’ dipendenza u effetti konsegwenzjali bejn l-ekonomiji u l-politiki baġitarji taż-żona tal-euro jwasslu għal ħtieġa essenzjali biex tiġi żviluppata kapaċità fiskali li tkun tista’ tiffaċilita l-aġġustamenti għax-xokkijiet ekonomiċi, fil-kuntest ta’ qafas baġitarju integrat tal-UE;

34.

jappoġġja li, bħala approċċ wieħed għall-iżvilupp ta’ kapaċità fiskali fil-kuntest ta’ qafas baġitarju integrat tal-UE, tiġi studjata aktar l-idea ta’ “riżerva ta’ flessibilità” fil-baġit tal-UE. Filwaqt li jirrispetta l-prinċipji baġitarji tal-annwalità u t-trasparenza, mekkaniżmu bħal dan ikun jista’ jippermetti li “nefqa iktar baxxa milli previst” taħt l-intestaturi tal-baġit tiġi trasferita bħala appoġġ għal azzjonijiet oħra, minflok ma tiġi restitwita awtomatikament lill-Istati Membri, li hija konformi mar-riżoluzzjonijiet adottati mill-Parlament Ewropew dwar il-QFP fit-13 ta’ Ġunju u t-23 ta’ Ottubru 2012;

35.

jinnota madankollu li ma jistax ikun hemm unjoni fiskali ġenwina mingħajr definizzjoni tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-livelli differenti ta’ gvern (federaliżmu fiskali), rabta iktar espliċita bejn l-allinjament ta’ politika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet baġitarji, u viżjoni ambizzjuża dwar kif għandhom jiġu msaħħa s-sinerġiji vertikali bejn il-baġits tal-UE, nazzjonali u lokali/reġjonali permezz ta’ mekkaniżmi adatti ta’ koordinazzjoni;

36.

isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tippubblika Green Paper matul l-ewwel nofs tal-2013 li tindirizza dawn il-kwistjonijiet u l-punti l-oħra mqajma hawn taħt;

Deskrizzjoni ta’ xi prinċipji bażiċi li għandhom jiġu rrispettati fil-ħidma lejn sinerġiji akbar

37.

isejjaħ għal sensiela bażika ta’ prinċipji li għandha tiġi stabbilita u rispettata fil-ħidma lejn sinerġiji baġitarji akbar, inkluż:

Awtonomija fiskali: li jkun hemm ċarezza dwar ir-rwol u r-responsabbiltajiet ta’ awtoritajiet baġitarji differenti fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u dak sottostatali, inkluż li jkun hemm ċarezza dwar ir-rwol tal-politika u l-interventi dwar finanzjament tal-UE u l-ħsieb warajhom, ir-rispett tas-sussidjarjetà u d-drittijiet baġitarji tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (ir-rwol tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-iskrutinju), jiġifieri r-responsabbiltà demokratika tagħhom lejn il-komunitajiet li jtellgħuhom fl-elezzjonijiet, u li tiġi żgurata l-awtonomija ta’ kull livell ta’ governanza fil-għażla ta’ prijoritajiet u ta’ nfiq;

Trasparenza: l-iżgurar tat-trasparenza fil-proċessi baġitarji fil-livelli kollha ta’ governanza (inkluż l-identifikar tas-sorsi tal-finanzjament tal-UE b’mod espliċitu fil-baġits nazzjonali u sottostatali), kif ukoll l-iżgurar tad-disponibilità tad-data fil-livell tal-UE dwar il-profili ta’ nfiq tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE fil-livell reġjonali (fejn dan huwa possibbli);

Semplifikar tal-proċessi: jiġi ċċarat kif il-prijoritajiet u l-finanzjament huma allinjati fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u dak sottostatali lejn prijoritajiet miftiehma fil-livell tal-UE, li jsir impenn lejn ħidma li tegħleb il-konġestjoni (amministrattiva, regolatorja, u s-semplifikar politiku) sabiex jinkisbu sinerġiji akbar fil-baġits/politiki u jiġi evitat li jinħolqu piżijiet amministrattivi żejda;

Sħubija: isir impenn lejn approċċ “imsejjes fuq is-sħubija”, mill-premessa ta’ sħubija bilanċjata bejn livelli differenti ta’ governanza (UE, Stat Membru, sottostatali), u appoġġjat minn mekkaniżmi formali u informali li jħeġġu l-kooperazzjoni, inkluż pereżempju l-estensjoni tad-djalogu li diġà jeżisti bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Istati Membri sabiex jiġu inklużi rappreżentanti mil-leġislaturi sottostatali;

38.

jifhem li r-rwol tal-Baġit tal-UE (bħalissa) huwa primarjament li: (i) jiffinanzja l-politiki komuni tal-UE ewlenin, bħall-agrikoltura u s-sajd, (ii) jgħin fl-appoġġ ta’ objettivi u għanijiet ta’ politika oħra tal-UE kif ġew miftiehma taħt il-kompetenzi maqsuma mal-Istati Membri, inkluża l-politika ta’ koeżjoni, permezz ta’ investimenti ffokati fuq il-perjodu medju u fit-tul. Barra minn hekk, interventi bħal dawn huma msejsa fuq ideat stabbiliti ta’ (a) il-valur miżjud tal-intevent tal-UE, (b) l-addizzjonalità fl-azzjonijiet appoġġati, (c) u l-effetti ta’ lieva u multiplikaturi mill-interventi tal-UE;

39.

jilqa’ b’sodisfazzjon aktar diskussjonijiet u kjarifiki, fil-kuntest tal-iżviluppi fid-dibattiti dwar it-tisħiħ tal-unjoni ekonomika, monetarja u fiskali, tal-implikazzjonijiet potenzjali li dawn l-iżviluppi jista’ jkollhom fuq ir-rwol u l-ħsieb wara interventi tal-UE, u r-relazzjonijiet tagħhom mal-proċessi baġitarji tal-Istati Membri u dawk sottostatali;

40.

jemmen li koordinazzjoni vertikali ikbar tal-politiki baġitarji għandha twassal għal aktar sinerġiji, fejn huma rrispettati s-sussidjarjetà, l-addizzjonalità, il-valur miżjud Ewropew u l-vantaġġi ta’ ekonomiji ta’ skala (4). Għaldaqstant huwa kompletament kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà mħaddan fit-trattati tal-UE;

Konġestjoni li xxekkel sinerġiji vertikali akbar

41.

jenfasizza l-importanza li jkollna data u analiżijiet preċiżi u affidabbli disponibbli fil-livell tal-UE dwar il-finanzi pubbliċi u l-proċessi baġitarji sal-livell sottostatali;

42.

jinnota l-kumplessità tal-isfida fil-ħolqien ta’ sinerġiji minħabba l-“eteroġeneità” tal-istrutturi sottostatali madwar l-UE;

43.

jilqa’ l-inklużjoni fir-Rapport dwar il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM tal-2012 tal-Kummissjoni Ewropea ta’ kapitlu dwar id-Deċentralizzazzjoni Fiskali fl-UE għall-ewwel darba, u jsejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi kapitlu bħal dan dwar l-istat tal-finanzi sottostatali f’aktar ħarġiet annwali ta’ dan ir-rapport;

44.

jilqa’ b’sodisfazzjon studji ta’ riċerka oħra li janalizzaw il-finanzi pubbliċi u l-kapaċità ta’ investiment pubbliku, kif ukoll l-impatt tal-kriżi soċjali, ekonomika u fiskali fil-livell sottostatali, b’mod partikolari r-rapport DEXIA Crédit Local (DCL)/CEMR u l-istudji tal-OECD;

45.

madankollu jinnota l-faqar relattiv ta’ informazzjoni dwar il-finanzi pubbliċi lokali u reġjonali madwar l-UE, u b’mod aktar ġenerali n-nuqqas kbir ta’ informazzjoni dwar sinerġiji bejn il-finanzi tal-UE, tal-Istati Membri u dawk sottostatali;

46.

isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq iktar xogħol ħalli tindirizza dan in-nuqqas u jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ netwerk ta’ riċerka Ewropew ta’ universitajiet, sabiex jiġu żviluppati ħiliet speċjalizzati għal dan il-qasam ta’ ħidma importanti; barra minn hekk, huwa jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-iskambji tal-esperjenzi abbażi ta’ proġetti bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali differenti li jħeġġu l-promozzjoni tal-aħjar prattiki b’rabta mas-sinerġiji maħluqa bejn il-livelli nazzjonali u sottonazzjonali fl-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

47.

jirrikonoxxi li hemm każijiet oħra ta’ konġestjoni fir-rigward tal-proċeduri u ċ-ċikli baġitarji fi ħdan l-UE, li huma ggravati iżjed minħabba l-“eteroġeneità” tal-proċessi baġitarji sottostatali. Ċikli baġitarji mal-Istati Membri u dawk sottostatali mhumiex armonizzati maċ-ċiklu baġitarju tal-UE (li jopera skont is-sena kalendarja), u barra minn hekk it-tfassil baġitarju lokali u reġjonali huwa msejjes l-iżjed fuq ċikli annwali minflok l-ippjanar pluriennali (li jikkaratterizza l-qafas baġitarju tal-UE);

48.

isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis il-merti u l-prattikalitajiet (kif ukoll l-isfidi/spejjeż amministrattivi potenzjali) ta’ żvilupp lejn aktar armonizzazzjoni taċ-ċikli baġitarji fl-UE, u l-promozzjoni u t-tħeġġiġ tal-użu ta’ oqfsa baġitarji ta’ terminu medju (MTBF) fil-livell sottostatali (f’konformità mal-miżuri introdotti fis-“six-pack”), inkluż kjarifika dwar kif dan jista’ jaħdem fi ħdan iċ-ċikli annwali tas-Semestru Ewropew;

49.

jinnota n-negozjati għaddejjin bħalissa dwar il-proposti għal sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-UE (COM(2010) 774 final) u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ komparabilità (fir-rigward tal-istrutturi, il-faċilità tal-qari, u l-kontenut) tal-baġits lokali u reġjonali madwar l-UE, kif ukoll in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-UE, li jfisser li huwa diffiċli li wieħed iqabbel u janalizza b’mod li jagħmel sens;

50.

jinnota li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/85/UE (parti mis-“six-pack”) jagħti mandat lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-istandard ESA 95 fis-sistemi nazzjonali ta’ kontijiet pubbliċi tagħhom u “jiżguraw disponibbiltà pubblika f’waqtha u regolari tad-data fiskali għas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika”; jiddispjaċih li kien hemm maġġoranza kbira ta’ Stati Membri li opponew il-proposta tal-Eurostat li żżid diversi indikaturi ġodda dwar l-investiment pubbliku fil-livell reġjonali NUTS 2;

51.

jilqa’ l-fatt li l-Eurostat bħalissa qed jevalwa kemm ikun tajjeb li jintużaw standards armonizzati tal-kontabilità pubblika fl-UE kollha għal-livelli kollha ta’ gvern bħala mod kif jittejbu s-sinerġiji bejn il-baġits tal-UE, dawk nazzjonali u sottonazzjonali;

52.

jenfasizza l-ħtieġa għal titjib possibbli tal-istandard ESA 95 għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-kwistjoni tal-ispejjeż tas-self. Il-metodu ta’ kontabilità tal-ESA 95 tabilħaqq jittratta operazzjonijiet finanzjarji (u b’hekk is-self) b’mod differenti u jippenalizza lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jixtiequ jagħmlu investimenti fl-isforzi biex jibbilanċjaw il-baġits tagħhom. Taħt il-qafas tal-ESA 95, huma biss operazzjonijiet tas-sena finanzjarja inkwistjoni li huma kkunsidrati, u dan ma jippermettix lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu tajjeb għal defiċit temporanju marbut mal-investiment billi jużaw riżervi jew bilanċ pożittiv bil-quddiem. Sabiex jintlaqħu riżultati ekwivalenti fil-qafas ta’ kontabilità tagħhom, dawn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom jiffinanzjaw l-investimenti tagħhom bis-sħiħ permezz tal-fondi tagħhom stess;

53.

jinnota li l-Istati Membri li integraw b’mod formali lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess baġitarju (patt ta’ stabbiltà interna, pereżempju fil-Belġju, Spanja jew l-Awstrija) ġeneralment ħolqu dispożizzjoni għal mekkaniżmi li permezz tagħhom l-istandards ESA 95 ikunu iżjed flessibbli sabiex ikollhom il-possibilità ta’ investiment. Dawn jistgħu jieħdu l-forma, pereżempju, ta’ aġġustament pluriennali ta’ objettivi baġitarji jew sistemi għal eżenzjonijiet parzjali mill-objettiv ta’ nfiq fuq l-investiment sabiex jitqies iċ-ċiklu ta’ investiment;

54.

għaldaqstant isejjaħ biex din il-kwistjoni tiġi solvuta fil-livell tal-UE permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli, sabiex l-istandards tal-ESA 95 isiru aktar flessibbli u jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jwettqu investimenti b’dan il-mod, filwaqt li jirrispettaw ir-rekwiżiti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għal ġestjoni tajba tal-finanzi pubbliċi;

55.

jappella biex isir aktar użu ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament ġodda u innovattivi, bħal self u “fondi li jistgħu jerġgħu jintużaw” (revolving funds), u jinnota wkoll l-opportunitajiet mogħtija minn sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat, u l-BEI biex jistimola investimenti kreattivi u innovattivi fil-livell territorjali, u jilqa’ b’sodisfazzjon miżuri fi ħdan il-perjodu ta’ programmar 2014-2020, inklużi l-Fondi tal-QSK, li jippromovu dawn l-attivitajiet dejjem iktar;

56.

jinnota li l-aċċess għas-swieq finanzjarji jvarja ħafna madwar l-UE u mhuwiex żviluppat tajjeb f’ċerti partijiet tal-Ewropa għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, u għalhekk jeħtieġ li dan il-punt jiġi indirizzat fil-livell tal-UE;

57.

jistenna bil-ħerqa aktar diskussjonijiet dwar il-potenzjal għal strumenti innovattivi oħra fil-livell tal-UE li jistimolaw l-investiment u jappoġġjaw is-solidarjetà sabiex l-Ewropea tingħata l-għajnuna biex toħroġ mill-kriżi, inklużi l-bonds tal-proġetti tal-UE u l-Eurobonds.

Brussell, 31 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Dexia Crédit lokali u s-CEMR (2012), Il-finanzi pubbliċi sottonazzjonali fl-Unjoni Ewropea, Lulju 2012.

(2)  Parlament Ewropew (2010): Il-ħolqien ta’ sinerġija akbar bejn il-baġits Ewropej u nazzjonali (abbozzat minn Deloitte Consulting fuq talba tal-Kumitat għall-Baġits). Kwotazzjoni meħuda minn paġna 4, Sommarju Eżekuttiv.

(3)  Regulatory Capacities at Sub-National Level for the Implementation of Public Investment Strategies related to the Absorption of EU Structural Funds ta’ Allio-Rodrigo Consulting għall-OECD, Ġunju 2012.

(4)  Studju tal-Parlament Ewropew (2010): Il-ħolqien ta’ sinergija akbar bejn il-bagits Ewropej u nazzjonali.


2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/39


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Governanza Aqwa tas-Suq Uniku”

2013/C 62/08

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, is-Suq Uniku għandu jiġi ggwidat mil-leġislazzjoni tal-UE biss sal-punt li jkun tabilħaqq neċessarju. Jekk ma jiġix ikkunsidrat il-prinċipju tas-sussidjarjetà jistgħu jinħolqu l-problemi fil-fażi ta’ implimentazzjoni, u meta jasal dak l-istadju ma jkunx għad hemm lok għall-flessibbiltà fil-livell nazzjonali u b’hekk jiġi pperikolat l-iżvilupp ekonomiku.

Meta tkun qed titħejja l-leġislazzjoni, huwa importanti li jiġi kkunsidrat ir-rwol sinifikanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, b’mod partikolari, jenfasizza l-importanza tal-attività lokali u l-kundizzjonijiet ekonomiċi li jinħolqu għall-intrapriżi fil-livell lokali. Il-qafas jinħoloq fil-livell Ewropew imma l-fatturi li huma determinanti għall-prosperità u l-attività ekonomika tagħna jinbtu fil-livell lokali. Fl-iżvilupp tar-regoli għas-suq intern dan l-aspett għandu jitqies, għax huwa l-uniku mod kif nistgħu noħolqu rabta bejn l-ekonomija pan-Ewropea u d-dimensjoni lokali.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw proporzjon kbir ħafna tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku. Madankollu, biex jiġi evitat li l-problemi joħorġu fid-dieher meta jiġu implimentati dawn ir-regoli fil-prattika jeħtieġ li l-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom rwol fl-iżvilupp tal-leġislazzjoni tal-UE.

Meta jkunu qed jiġu identifikati l-oqsma ewlenin, il-prijorità għandha tingħata lil dawk l-oqsma li jkunu f’qagħda li jinnovaw u joħolqu impjiegi ta’ kwalità. Il-prestazzjoni tas-suq uniku diġitali u tas-servizzi kollha kemm huma, huma prijoritajiet ewlenin u urġenti.

Relatur

Is-Sur MARKKULA (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Governanza Aqwa tas-Suq Uniku

COM(2012) 259

Opinjoni tal-Kumitat ta-Reġjuni – Governanza Aqwa tas-Suq Uniku

I.   PUNTI ĠENERALI

1.

Is-suq uniku huwa xprun ewlieni tat-tkabbir ekonomiku Ewropew. Għal żewġ deċenji, il-moviment liberu tal-merkanzija, is-servizzi, il-kapital u l-ħaddiema kien l-ixprun għall-prosperità Ewropea u l-ekonomija tal-Ewropa. Madankollu, dawn il-libertajiet, kif ukoll l-iżvilupp tal-modi tal-governanza tagħhom, jipprovdu opportunità biex ikompli jitħaffef l-irkupru mill-kriżi ekonomika u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex b’mod koeżiv tinkiseb ekonomija tas-suq soċjali fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-politika ta’ koeżjoni taqdi rwol komplementari fil-ksib ta’ suq uniku fir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari billi ssaħħaħ il-kompetittività tal-SMEs, tekoloġizza l-ekonomija, u billi tenfasizza l-għarfien u l-innovazzjoni, speċjalment fir-reġjuni bi żvantaġġi strutturali.

2.

Il-KtR jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-istess ħin l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu l-għodod tagħhom stess biex jistimolaw l-ekonomija tagħhom, billi jikkunsidraw il-bżonnijiet u l-interessi konkreti tal-ekonomija nazzjonali tagħhom.

IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

3.

Il-Komunikazzjoni tippreżenta l-pjan tal-Kummissjoni għall-iżvilupp tas-Suq Uniku u kif se jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020.

4.

Skont il-Komunikazzjoni d-defiċit medju għat-traspożizzjoni kien ta’ 1,2 % fi Frar ta’ din is-sena u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku qed iddum dejjem aktar. Barra minn hekk, ir-regoli mhux dejjem jaħdmu tajjeb fil-prattika, anke jekk ikunu ġew trasposti fil-livell nazzjonali.

5.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni titlob għal impenn imġedded biex is-Suq Uniku jsir effikaċi fir-rwol tiegħu għat-tkabbir. Il-proposta hija magħmula minn żewġ komponenti separati:

a.

pjan ta’ azzjoni sabiex iseħħ progress rapidu f’oqsma ewlenin li jkollhom l-akbar potenzjal ta’ tkabbir;

b.

miżuri prattiċi biex itejbu aktar il-mod li bih ir-regoli tas-Suq Uniku jiġu mfassla, implimentati, applikati u infurzati.

IL-FEHMIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

6.

It-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tas-Suq Uniku huwa ġġustifikat. Madankollu, filwaqt li l-Komunikazzjoni tressaq miżuri ġenerali, huwa biss f’oqsma speċifiċi jew f’ċerti Stati Membri li l-implimentazzjoni tar-regoli tista’ tkun partikolarment problematika.

7.

L-għan tal-Kummissjoni huwa li ttejjeb il-funzjonament tas-suq uniku abbażi tal-miżuri preżentati fil-Komunikazzjoni. Il-proposti tal-Kummissjoni huma mmirati lejn żewġ objettivi. Minn naħa, is-suq uniku jrid javvanza malajr fl-oqsma bl-ikbar potenzjal ta’ tkabbir, u min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu passi biex “iċ-ċiklu ta’ governanza” tas-suq intern isir iktar effettiv. Il-Kummissjoni beħsiebha tuża l-proċess tas-Semestru Ewropew biex timmonitorja l-progress. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li dawn huwa pjan ta’ azzjoni tajjeb.

8.

Il-Komunikazzjoni tiffoka b’mod partikolari fuq it-titjib tal-implimentazzjoni nazzjonali u t-tisħiħ tal-impenn tal-Istati Membri.

9.

Sa ċertu punt, ir-raġuni għalfejn l-implimentazzjoni qed timxi b’ritmu daqshekk bil-mod hija d-dgħufija tal-impenn politiku tal-Istati Membri biex jimplimentaw regoli individwali. L-unika soluzzjoni għal din il-problema hija li jiġi żgurat li jkun hemm ir-rieda u l-impenn fil-livell politiku. Id-differenza bejn il-kultura leġislattiva u dik amministrattiva għandha titqies sa mill-bidu nett tal-ħidma preparatorja dwar il-leġislazzjoni tas-Suq Uniku.

10.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jaqbel mal-Kummissjoni li l-“goldplating” huwa problema serja li ħolqot piżijiet ġodda żejda u bla bżonn fuq in-negozji u ċ-ċittadini.

11.

F’xi aspetti l-proposti tal-Kummisjoni huma “ex post” u l-Komunikazzjoni ma tiġbidx biżżejjed attenzjoni għalfejn l-implimentazzjoni għaddejja b’ritmu bil-mod.

II.   ENFASI FUQ OQSMA LI GĦANDHOM L-AKBAR POTENZJAL TA’ TKABBIR

IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

12.

Skont il-Komunikazzjoni, l-oqsma li għandhom l-akbar potenzjal ta’ tkabbir huma s-settur tas-servizzi (inklużi l-kummerċ bl-imnut u l-kummerċ bl-ingrossa, is-servizzi tan-negozji u tal-kostruzzjoni), is-servizzi finanzjarji, it-trasport, l-ekonomija diġitali u s-settur tal-enerġija.

13.

Sabiex jiġi żgurat li r-regoli tas-Suq Uniku tal-UE jiġu implimentati b’mod effikaċi, qed jiġi propost li l-Istati Membri jieħdu impenn ikbar biex jimplimentawhom u biex jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-fażi ta’ implimentazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw lilhom infushom għall-prinċipju ta’ “tolleranza żero” fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-direttivi, jiġifieri d-defiċit tat-traspożizzjoni u d-defiċit tal-konformità jridu jkunu 0 %;

L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni, b’mod informali, aspetti speċifiċi tal-miżuri li għandhom jittieħdu, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti għajnuna effettiva waqt il-perjodu ta’ traspożizzjoni.

14.

Il-prijoritajiet tal-Kummissjoni jiffokaw fuq it-traspożizzjoni tar-regoli tal-UE u l-implimentazzjoni effettiva tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tħejji rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku biex timmonitorja l-mod li bih is-Suq Uniku jiffunzjona fil-prattika u biex tidentifika azzjonijiet ġodda, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tieħu passi biex tgħin tiżgura li l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE fl-oqsma ewlenin tkun f’waqtha, korretta u effiċjenti.

IL-FEHMIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

15.

L-għan ewlieni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni huwa li s-suq uniku jibda jaħdem aħjar. L-għażla tal-oqsma ewlenin hija l-aħjar pjan ta’ azzjoni. Sabiex jiġi żviluppat Suq Uniku Ewropew, huwa essenzjali li jiġu identifikati liema miżuri jistgħu jkunu l-iżjed effettivi.

16.

Il-klima ekonomika attwali, l-istatus tas-servizzi finanzjarji, bħala wieħed mill-oqsma bl-ikbar potenzjal ta’ tkabbir, huwa importanti iżda fl-istess ħin huwa problematiku.

17.

Meta jkunu qed jiġu identifikati l-oqsma ewlenin, il-prijorità għandha tingħata lil dawk l-oqsma li jkunu f’qagħda li jinnovaw u joħolqu impjiegi ta’ kwalità. L-għażla tal-oqsma ewlenin kienet pożittiva għall-gvern lokali. Il-prestazzjoni tas-suq uniku diġitali u tas-servizzi kollha kemm huma, huma prijoritajiet ewlenin u urġenti.

18.

L-Istati Membri għad għandhom ħafna x’jagħmlu biex jiffaċilitaw l-attivitajiet tas-suq diġitali. L-awtoritajiet lokali jistgħu jaqdu rwol hawnhekk, pereżempju permezz tal-akkwist pubbliku. It-twettiq tal-akkwist pubbliku b’mezzi elettroniċi u bl-użu sħiħ tal-fatturar elettroniku jagħti kontribut sinifikanti għall-iżvilupp tas-suq diġitali. L-ostakli u l-isfidi involuti fl-implimentazzjoni tal-kummerċ elettroniku fis-settur pubbliku jmorru lil hinn mill-funzjonijiet tekniċi. L-appoġġ mill-maniġment superjuri, l-aġġustament tal-organizzazzjoni u t-taħriġ tal-persunal ilkoll huma fatturi kruċjali għas-suċċess tas-suq diġitali fil-livell lokali u reġjonali u l-akkwist pubbliku elettroniku assoċjat miegħu.

19.

It-twettiq tal-akkwist pubbliku b’mezzi elettroniċi ser jeħtieġ għadd ta’ miżuri fil-livell nazzjonali u lokali. Madankollu, fil-livell Ewropew għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi ffaċilitata l-bidla għall-ambjent elettroniku. Il-prattiki tajbin għandhom jinxterdu b’mod iktar effettiv anke fil-livell Ewropew.

20.

L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli għat-tħejjija tal-leġislazzjoni nazzjonali, u dawn huma meħtieġa jimplimentaw il-leġislazzjoni tal-UE b’mod korrett u adatt mil-lat nazzjonali.

21.

Jilqa’ l-fatt li d-Direttiva dwar il-Ħlas Tardiv hija inkluża fil-lista ta’ atti leġislattivi prinċipali li l-implimentazzjoni tagħhom ser tiġi mmonitorjata mill-qrib. Il-ħlas tardiv mill-awtoritajiet pubbliċi hija problema kbira għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, u dan għandu jiġi indirizzat b’mod urġenti.

22.

Il-proposti ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri għandhom jintlaqgħu b’mod pożittiv. Il-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali se tagħti lill-Istati Membri l-opportunità jqabblu s-sitwazzjoni tagħhom ma’ dik ta’ Stati Membri oħra. Abbażi tar-rapport annwali u l-analiżi, il-Kummissjoni se tidentifika l-isfidi prinċipali ta’ politika u l-passi li għandhom jittieħdu tul is-sena li ġejja kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali. Ir-rapport annwali għandu jressaq rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, li se jkunu bbażati fuq analiżi aktar profonda tal-prestazzjoni f’kull Stat Membru, fil-kuntest tal-proċess tas-Semestru Ewropew.

III.   IT-TFASSIL, L-IMPLIMENTAZZJONI, L-APPLIKAZZJONI U L-INFURZAR TAR-REGOLI TAS-SUQ UNIKU

IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

23.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza li, meta jitħejjew ir-regoli tas-Suq Uniku, l-UE għandha tiżgura li:

ir-regolament ikun faċli li jinftiehem, ċar u mhux ambigwu;

il-piż amministrattiv fuq in-negozji, iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni ma jkunx kbir mingħajr bżonn;

il-proċeduri amministrattivi neċessarji (awtorizzazzjonijiet, eċċ.) ikunu jistgħu jsiru b’mezzi elettroniċi;

l-informazzjoni tkun disponibbli u n-negozji u ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal rikors legali effettiv.

24.

Sabiex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn il-prinċipji, il-partijiet interessati għandhom ikunu kkonsultati qabel it-tfassil tal-leġislazzjoni proposta.

25.

Il-Kummissjoni tipproponi li, fejn ikun adatt, għandhom jintużaw regolamenti minflok direttivi, b’mod partikolari meta ma jkunx hemm ħtieġa għal aktar diskrezzjoni waqt l-implimentazzjoni tar-regoli proposti mill-UE.

IL-FEHMIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

26.

Il-Kumitat jaqbel bis-sħiħ mal-objettivi ta’ kwalità għal-leġislazzjoni. Huwa objettiv importanti fil-livell tal-UE u għal-leġislaturi nazzjonali li l-leġislazzjoni tkun ċara u faċli li tinftiehem.

27.

Iqis li s-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern hija għodda essenzjali u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jeħtieġu aċċess sħiħ għas-sistema. Huwa jqis ukoll li għandu jkun hemm taħriġ disponibbli għall-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex ikunu jistgħu jużaw is-sistema b’mod effiċjenti.

28.

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, is-Suq Uniku għandu jiġi ggwidat mil-leġislazzjoni tal-UE biss sal-punt li jkun tabilħaqq neċessarju. Jekk ma jiġix ikkunsidrat il-prinċipju tas-sussidjarjetà jistgħu jinħolqu l-problemi fil-fażi ta’ implimentazzjoni, u meta jasal dak l-istadju ma jkunx għad hemm lok għall-flessibbiltà fil-livell nazzjonali u b’hekk jiġi pperikolat l-iżvilupp ekonomiku.

29.

Jenfasizza kemm huma utli ċ-ċentri SOLVIT għaċ-ċittadini u n-negozji żgħar, speċjalment fir-reġjuni konfinali, u jappella li l-Kummissjoni tippromovi aktar il-ħidma tagħhom u li l-Istati Membri kollha jipprovdulhom persunal u riżorsi adegwati.

30.

Jinnota li l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar mhix magħrufa biżżejjed mill-qrati kompetenti u għadha tintuża rarament; problema partikolari għaċ-ċittadini li jagħmlu użu minn din il-proċedura hija l-infurzar sussegwenti tas-sentenza fi Stat Membru ieħor.

31.

Il-kwalità fqira ta’ ċertu regolazzjoni qed iddgħajjef il-leġittimità reali tal-UE f’għajnejn il-pubbliku u n-negozji. Pereżempju, il-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku fil-prattika xekklet il-kapaċità tal-Istati Membri u tal-gvern lokali li jiddeċiedu kif għandhom jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom stess. Ir-regoli tas-Suq Uniku u l-biża’ li dawn jinkisru qed imexxu l-organizzazzjoni tas-servizzi f’direzzjoni li mhux dejjem tkun adatta mil-lat operattiv.

IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

32.

Il-Kummissjoni tiddikjara li għandu jsir użu aktar intelliġenti mill-IT biex in-negozji u ċ-ċittadini jiġu informati. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jipprovdu informazzjoni faċli għall-utent dwar attivitajiet tas-Suq Uniku.

33.

Għandu jkun possibbli li jittieħdu miżuri amministrattivi b’mezzi elettroniċi, b’mod speċjali meta l-azzjonijiet isiru fi Stat Membru ieħor. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet għandha tkun iffaċilitata permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern.

34.

Sabiex jiġu solvuti l-problemi li jiltaqgħu magħhom in-negozji u ċ-ċittadini, il-Komunikazzjoni tipproponi li għandu jkun hemm servizz ta’ għajnuna uniku li jkun aċċessibbli faċilment, fil-livell nazzjonali li jistgħu jirrikorru għalih.

35.

L-Istati Membri għandhom jimpenjaw lilhom infushom biex jiżguraw rikorsi legali rapidi u effikaċi.

36.

Skont il-Komunikazzjoni, għandu jkun hemm korp wieħed biss li jieħu ħsieb jissorvelja u jimmonitorja s-Suq Uniku fil-livell nazzjonali. Il-Komunikazzjoni tirrakkomanda li jiġu introdotti “ċentri tas-Suq Uniku” fl-Istati Membri u beħsiebha tistabbilixxi netwerk Ewropew ta’ ċentri tas-Suq Uniku.

IL-FEHMIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

37.

M’hemmx għalfejn ngħidu li l-identifikazzjoni u t-tixrid tal-aħjar prattika għandhom jintlaqgħu b’mod pożittiv. Dan għandu dejjem jagħmel parti mill-attivitajiet ta’ żvilupp normali tal-Kummissjoni.

38.

L-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fuq il-linji proposti mill-Kummissjoni għandu jintlaqa’ b’mod pożittiv ukoll. Pereżempju, it-twaqqif ta’ ċentri tas-Suq Uniku jista’ jiġi ġġustifikat fuq il-bażi li jgħin jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-kompiti taċ-ċentri tas-Suq Uniku jridu jkunu kompatibbli ma’ aspetti oħrajn tal-amministrazzjoni tal-Istati Membri.

39.

Meta tkun qed titħejja l-leġislazzjoni, huwa importanti li jiġi kkunsidrat ir-rwol sinifikanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, b’mod partikolari, jenfasizza l-importanza tal-attività lokali u l-kundizzjonijiet ekonomiċi li jinħolqu għall-intrapriżi fil-livell lokali. Il-qafas jinħoloq fil-livell Ewropew imma l-fatturi li huma determinanti għall-prosperità u l-attività ekonomika tagħna jinbtu fil-livell lokali. Fl-iżvilupp tar-regoli għas-suq intern dan l-aspett għandu jitqies, għax huwa l-uniku mod kif nistgħu noħolqu rabta bejn l-ekonomija pan-Ewropea u d-dimensjoni lokali.

40.

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jimplimentaw proporzjon kbir ħafna tal-leġislazzjoni tas-Suq Uniku. Madankollu, biex jiġi evitat li l-problemi joħorġu fid-dieher meta jiġu implimentati dawn ir-regoli fil-prattika jeħtieġ li l-KtR u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom rwol fl-iżvilupp tal-leġislazzjoni tal-UE.

41.

L-innovazzjonijiet jinbtu fil-livell lokali. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol ewlieni fl-appoġġ u t-tmexxija tal-innovazzjonijiet. Sabiex jiġi żviluppat s-Suq Uniku Ewropew, għandu jinħoloq mudell fejn kemm l-atturi lokali u kemm l-atturi Ewropej ikollhom ir-rwoli proprji naturali tagħhom x’jaqdu. Pereżempju, il-Kummissjoni tista’ tippromovi approċċ fejn l-isforzi konġunti tad-diversi direttorati ġenerali jkunu intiżi biex jiżviluppaw l-oqsma bl-ikbar potenzjal ta’ tkabbir, filwaqt li l-livell lokali jesperimenta bl-aħjar prattiki.

42.

Madankollu, l-anqas l-aħjar prattiki ma jistgħu jinxterdu mingħajr netwerk Ewropew. Il-Kummissjoni tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tistabbilixxi netwerks bħal dawn. Fl-oqsma ta’ politika u r-reġjuni bl-ikbar potenzjal ta’ innovazzjoni, il-proġetti pijunieri ffinanzjati mill-UE għandhom jitnedew għal dik ir-riċerka li tipprovdi appoġġ effettiv għall-innovazzjoni kif ukoll għat-tagħlim. Bl-appoġġ tal-Kummissjoni, kull attur lokali għandu jkollu aċċess għall-prattiki żviluppati fuq din il-bażi.

IV.   MIŻURI TA’ SEGWITU OĦRAJN MEĦTIEĠA

43.

Il-Kummissjoni Ewropea lestiet il-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Att dwar is-Suq Uniku II (COM(2012) 573 final). Skont din il-Komunikazzjoni, l-involviment konġunt tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u ħafna partijiet interessati wassal għal viżjoni politika b’appoġġ mifrux biex is-suq uniku jkompli jiġi żviluppat u wassal ukoll biex l-attenzjoni politika tiġi ffokata. Il-KtR jaqbel mal-Kummissjoni li, fid-dawl tal-isfidi li nħolqu mill-kriżi ekonomika, il-miżuri ta’ segwitu jridu jissaħħu.

44.

Il-muturi għal tkabbir ġdid imressqa f’din il-Komunikazzjoni huma:

1.

l-iżvilupp ta’ netwerks integrati b’mod sħiħ fis-Suq Uniku;

2.

it-trawwim tal-mobbiltà transfruntiera taċ-ċittadini u n-negozji;

3.

l-appoġġ għall-ekonomija diġitali fl-Ewropa;

4.

it-tisħiħ tal-imprenditorjat soċjali, il-koeżjoni u l-kunfidenza tal-konsumatur.

45.

In-netwerks huma s-sinsla tal-modernizzazzjoni ekonomika. Wieħed mill-għanijiet importanti huwa li jintlaħaq suq uniku fejn iċ-ċittadini u l-intrapriżi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn suq uniku wieħed tat-trasport u l-enerġija. Mingħajr l-ebda dubju s-settur diġitali huwa xprun ewlieni kemm għall-produttività kif ukoll għall-kreattività. L-intraprenditorija soċjali tfisser li jittieħdu passi attivi biex is-settur pubbliku u dak terzjarju jiġu involuti kif ukoll li l-attivitajiet f’diversi sħubijiet jiżdiedu b’pass imħaffef. Il-KtR jistenna miżuri prattiċi sabiex l-istennijiet assoċjati ma’ dawk l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu mingħajr dewmien.

46.

Barra mill-punti msemmija hawn fuq, hemm għadd ta’ kwistjonijiet u mistoqsijiet relatati mal-funzjonament tas-Suq Uniku li għandhom jiġu diskussi fil-livell politiku. Fid-dawl tal-esperjenzi tal-kriżi finanzjarja, dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu solvuti u għalkemm ħafna minnhom diġà ġew identifikati fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fl-inizjattivi ewlenin, is-soluzzjonijiet għad iridu jinstabu. Il-miżuri meħtieġa ġew diskussi wkoll f’għadd ta’ Opinjonijiet tal-KtR, u l-KtR jixtieq jenfasizza b’mod partikolari l-miżuri stabbiliti hawn isfel.

47.

Il-KtR jipproponi (CdR 330/2010) li “jiġu stabbiliti patti territorjali fejn, permezz ta’ approċċ reġjonali flessibbli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffukaw l-attivitajiet u l-fondi tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin. Hemm bżonn ta’ enfasi partikolari fuq proġetti li jippromovu l-innovazzjonijiet soċjali fir-reġjun ikkonċernat u li jkollhom l-akbar impatt possibbli fuq is-soċjetà.” Fost l-affarijiet ta’ importanza partikolari nsibu l-miżuri għall-oqsma ewlenin speċifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, pereżempju li jsir użu sħiħ mill-possibbiltajiet diġitali fil-modernizzazzjoni tal-proċessi u l-istrutturi tas-servizzi.

48.

Il-KtR jirrakkomanda li (CdR 330/2010) “fil-kuntest tal-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-iżviluppi kollha tat-Trattat ta’ Lisbona li jistgħu jerġgħu jsawru l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fis-suq uniku, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tat-TUE li jistabbilixxi objettivi soċjali ġodda għall-Unjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, il-promozzjoni tal-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal.” F’dan il-każ ukoll il-kwistjoni hija kif għandhom jinħolqu innovazzjonijiet soċjetali ġodda sabiex l-Ewropa tkun tista’ tiżviluppa proġetti pijunieri, b’innovazzjonijiet f’ċerti oqsma u kooperazzjoni bejn oqsma li jipprovdu soluzzjonijiet essenzjali għal użu universali.

Brussell, 31 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/44


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Għarfien dwar il-Baħar 2020”

2013/C 62/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iqis li l-għarfien dwar il-baħar huwa kruċjali b’mod partikolari għat-tkabbir sostenibbli u għal oċeani produttivi u f’saħħithom u biex jiġu mifhuma aħjar l-ekosistemi tal-baħar u l-konsegwenzi tal-attivitajiet tal-bniedem fuqhom;

Jemmen li huwa importanti li jkun hemm data ċentralizzata dwar l-attivitajiet marittimi sabiex jinkisbu fehim u tbassir aħjar tal-interazzjonijiet potenzjali;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, apparti l-baġits proprji tagħhom għall-ġbir tad-data, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw fondi Ewropej għall-ġbir tad-data u r-riċerka;

iqis li għalkemm sar xi progress, b’mod partikolari t-tlestija tal-ewwel fażi tal-EMODnet, għad iridu jingħelbu għadd ta’ sfidi sabiex il-Kummissjoni tikseb l-għanijiet stabbiliti fl-2010;

jemmen li hemm bżonn jiġu żviluppati proċeduri ta’ valutazzjoni u tal-applikazzjoni tal-ippjanar effettivi u armonizzati sabiex l-applikazzjonijiet jiġu proċessati b’mod effiċjenti;

jenfasizza l-importanza li titkompla l-ħidma li diġà saret, b’mod partikolari fir-rigward tal-EMODnet, u li dan in-netwerk jiġi ppubbliċizzat ladarba jsir operattiv (fl-2014), biex jattira l-kontributi meħtieġa u jinġab għall-attenzjoni tal-udjenzi li għalihom huwa mmirat (is-settur privat u pubbliku u l-pubbliku ġenerali).

Relatur:

il-Kunsillier TWITCHEN (UK/NI), Kunsill ta’ Craigavon (l-Irlanda ta’ Fuq)

Dokument ta’ referenza

Green Paper – Għarfien dwar il-Baħar 2020 mill-immappjar ta’ qiegħ il-baħar għat-tbassir oċeaniku

COM(2012) 473 final

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Għarfien dwar il-Baħar 2020

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Daħla

1.

iqis li l-għarfien dwar il-baħar huwa kruċjali b’mod partikolari għat-tkabbir sostenibbli u għal oċeani produttivi u f’saħħithom u biex jiġu mifhuma aħjar l-ekosistemi tal-baħar u l-konsegwenzi tal-attivitajiet tal-bniedem fuqhom. Jinnota li d-data li hija disponibbli bħalissa hija frammentata u miżmuma f’bażijiet tad-data separati mill-awtoritajiet pubbliċi, iċ-ċentri ta’ riċerka u s-settur privat u li d-data li hija miġbura tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Jemmen li huwa importanti li jkun hemm data ċentralizzata dwar l-attivitajiet marittimi sabiex jinkisbu fehim u tbassir aħjar tal-interazzjonijiet potenzjali: pereżempju, l-esplorazzjoni f’baħar fond (it-tħaffir, l-esplojtazzjoni taż-żejt u l-gass) hija attività partikolarment riskjuża li bħalissa qed tiġi ġestita b’mod kompletament separat mill-attività tas-sajd;

2.

peress li jemmen li n-natura frammentata tad-data tfixkel l-iżvilupp ekonomiku u sostenibbli tal-qasam marittimu, iqis li l-għan għandu jkun li jittejjeb l-aċċess għad-data, jonqsu l-ispejjeż għall-utenti, tiġi stimolata l-innovazzjoni u tonqos l-inċertezza dwar in-natura tal-ibħra tagħna. Il-bażijiet tad-data għandhom ikunu faċli biex jintużaw b’punt ta’ kuntatt lokali biex jiġu megħjuna l-utenti, u għandhom ikunu marbuta ma’ sit elettroniku miftuħ li jista’ jitfassal biex iħeġġeġ lill-pubbliku jipparteċipa fi stħarriġ onlajn fuq skala kbira;

3.

ifakkar li diġà esprima l-fehma tiegħu dwar il-kwistjoni tal-għarfien dwar il-baħar fl-Opinjoni tiegħu ta’ Jannar 2011 (1) li kopriet kemm il-Komunikazzjoni dwar l-għarfien dwar il-baħar (2) kif ukoll il-Proposta għal Regolament dwar Politika Marittima Integrata (3). Il-Green Paper hija bbażata fuq din il-Komunikazzjoni preċedenti u għadd ta’ punti ewlenin li saru fl-Opinjoni tal-2011 għadhom validi;

4.

ifakkar li l-Komunikazzjoni tal-2010 dwar l-għarfien dwar il-baħar kienet segwitu għat-talba għal approċċ iktar ikkoordinat għall-ġbir u l-kompilazzjoni ta’ data dwar il-baħar li saret fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Marittima Integrata tas-16 ta’ Novembru 2009 (4). L-isfidi identifikati fid-dokument tal-Kummissjoni jinkludu: is-sostenibbiltà tal-inizjattivi ewlenin tal-UE f’dan il-qasam, speċjlament l-EMODnet u l-Programm Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Dinja (GMES), lil hinn mill-2014; il-kriżi finanzjarja u l-użu f’waqtu tal-baġits tal-Istati Membri f’dan il-qasam u l-aċċess għad-data dwar is-sajd;

5.

iqis li għalkemm sar xi progress, b’mod partikolari t-tlestija tal-ewwel fażi tal-EMODnet, għad iridu jingħelbu għadd ta’ sfidi sabiex il-Kummissjoni tikseb l-għanijiet stabbiliti fl-2010;

6.

Għaldaqstant jilqa’ l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea;

Kummenti dwar il-Green Paper

7.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għarfien dwar il-baħar u l-ekosistemi tiegħu huwa prerekwiżit assolut għall-iżvilupp tal-potenzjal kollu tal-“ekonomija blu” li tirrappreżenta d-dimensjoni marittima tal-Istrateġija Ewropa 2020;

8.

jenfasizza li l-ekonomija blu għandha tkun sostenibbli u tiġġenera impjiegi fis-settur tal-baħar, dak marittimu u dak tas-sajd billi ttejjeb il-kompetittività u l-effikaċja tal-industrija, tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-komunità ta’ riċerka. Skont l-istimi provduti mill-Kummissjoni Ewropea, il-benefiċċji tal-ħolqien ta’ netwerk integrat biex jissostitwixxi s-sistema frammentata tal-osservazzjoni tal-baħar attwali jistgħu jammontaw għal EUR 300 miljun kull sena;

9.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-kunċett ta’ Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni u d-Data tal-Ibħra (EMODnet) u l-kontribut tiegħu lejn il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew aktar integrat għall-għarfien dwar il-baħar;

10.

jenfasizza l-importanza li titkompla l-ħidma li diġà saret, b’mod partikolari fir-rigward tal-EMODnet, u li dan in-netwerk jiġi ppubbliċizzat ladarba jsir operattiv (fl-2014), biex jattira l-kontributi meħtieġa u jinġab għall-attenzjoni tal-udjenzi li għalihom huwa mmirat (is-settur privat u pubbliku u l-pubbliku ġenerali). Għalhekk, il-Kumitat jappoġġja l-introduzzjoni ta’ proċess kontinwu u integrat wara l-2014;

11.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jkun hemm informazzjoni u data aktar preċiżi dwar il-bijodiversità tal-baħar, dwar it-tħaddim tal-ekosistemi differenti tal-baħar u dwar l-interazzjonijiet tagħhom mal-attivitajiet tal-bniedem; barra minn hekk, jemmen li hemm bżonn jiġu żviluppati proċeduri ta’ valutazzjoni u tal-applikazzjoni tal-ippjanar effettivi u armonizzati sabiex l-applikazzjonijiet jiġu proċessati b’mod effiċjenti;

12.

jenfasizza li l-għarfien dwar il-qagħda tal-istokkijiet tal-ħut huwa kruċjali sabiex titfassal riforma ambizzjuża u realistika tal-politika komuni tas-sajd u jtenni t-talba tiegħu li jiġi allokat finanzjament adegwat għall-ġbir tad-data fil-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) li qed jiġi diskuss bħalissa;

13.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, apparti l-baġits proprji tagħhom għall-ġbir tad-data, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw fondi Ewropej għall-ġbir tad-data u r-riċerka, b’mod partikolari fil-qafas tal-FEMS u l-Orizzont 2020;

14.

jitlob approċċ aktar strutturat fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-baħar biex il-pjattaforma CLIMATE-ADAPT jkollha indikaturi aktar preċiżi dwar il-bidliet lokali li jikkonċernaw parametri klimatiċi bħaż-żieda fil-livell tal-baħar u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani u għaldaqstant jingħata kontribut għall-proċess ta’ adattament għat-tisħin globali;

Is-sussidjarjetà

15.

ifakkar li, għal raġunijiet ta’ sussidjarjetà, ir-responsabbiltà għall-ġbir tad-data hija prinċiplament tal-Istati Membri. Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata konsistenza bejn l-Istati Membri u l-komunitajiet differenti ta’ utenti, l-UE tista’ tipprovdi valur miżjud għall-fażi ta’ kompilazzjoni tad-data. Id-data nazzjonali ma tgħidilnix dak kollu li rridu nkuni nafu dwar l-ibħra bħala sistema globali marbuta mal-irjieħ li jbiddlu d-direzzjoni tagħhom, il-kurrenti staġonali u l-ispeċi migratorji. Barra minn hekk, dawn il-varjabbli jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u għalhekk l-informazzjoni miġbura għandha tiġi kkoordinata u konnessa biex jinkisbu r-riżultati mixtieqa;

16.

għaldaqstant jemmen li l-analiżi fil-livell Ewropew hija essenzjali u li l-azzjoni tal-UE hija kompletament ġustifikata fir-rigward tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

17.

madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità meta jkunu qed jitfasslu miżuri futuri b’riżultat ta’ din il-konsultazzjoni u li jiġu kkunsidrati l-piżijiet amministrattivi jew finanzjarji potenzjali li jistgħu jinħolqu għall-gvernijiet lokali u reġjonali.

Brussell, 31 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  L-iżvilupp ta’ Politika Marittima Integrata u l-għarfien dwar il-baħar 2020, CdR 339/2010 fin.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Għarfien dwar il-Baħar 2020: Dejta u osservazzjoni tal-baħar għat-tkabbir intelliġenti u sostenibbli, COM(2010) 461 final.

(3)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ulterjuri ta’ Politika Marittima Integrata, COM(2010) 494 final.

(4)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika Marittima Integrata, l-2 973 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali, Brussell, 16 ta’ Novembru 2009.


2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/47


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “It-Tkabbir Blu — Opportunitajiet ta’ tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu”

2013/C 62/10

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ekonomija marittima fis-sens wiesa’ mhix limitata għar-reġjuni u l-entitajiet b’aċċess dirett għall-ibħra u l-oċeani. Fil-biċċa l-kbira, l-ekonomija marittima hija relevanti wkoll għar-reġjuni l-bogħod mill-kosti u l-portijiet minħabba l-fatt li, fost l-oħrajn, jimmanifatturaw tagħmir marittimu u huma involuti f’attivitajiet fis-setturi tat-trasport u l-loġistika, u tar-riċerka u l-iżvilupp;

għalhekk jitlob li fl-iżvilupp tal-ekonomija l-blu titqies l-importanza tal-partikolaritajiet tal-baċiri marittimi Ewropej u li dawn jiġu sfruttati fl-implimentazzjoni tagħha;

jinnota l-ħtieġa li l-akkwakultura tkun appoġġjata finanzjarjament bl-użu tal-fondi tal-UE waqt li jirrifjuta l-proposti għal organiżmi akkwatiċi ġenetikament modifikati li għandhom l-għan li joħolqu speċijiet ġodda iktar reżistenti għall-mard u t-tniġġis tal-ambjent;

jiġbed l-attenzjoni għall-materjal militari li għad baqa’ minn żmien it-tieni gwerra dinjija u l-gwerra bierda u l-iskart radjuattiv li ntefa’ fil-baħar fil-passat u jemmen li huwa essenzjali li titfassal metodoloġija fuq livell Ewropew u jiġu pprovduti fondi għall-użu sikur ta’ dan il-materjal perikoluż;

jisħaq li l-Kumitat tar-Reġjuni, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandu jkun mitlub b’mod sistematiku biex jieħu sehem f’ħidma ulterjuri dwar il-kunċett tat-tkabbir blu inkluż dwar l-iżvilupp u t-twaqqif tal-Istrateġiji tal-Baċiri tal-Baħar, li jqis bħala għodda importanti għall-implimentazzjoni ta’ aspetti ewlenin tat-tkabbir blu.

Relatur

Is-Sur BANASZAK (PL/AE), Membru tal-assemblea reġjonali ta’ Kujawsko-Pomorskie

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - It-Tkabbir Blu: opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu

COM(2012) 494 final

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tkabbir Blu Opportunitajiet ta’ tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jenfasizza li l-kunċett ta’ tkabbir blu fuq is-suppożizzjoni li l-ibħra, il-kosti u l-oċeani jista’ jkollhom rwol prinċipali biex isolvu ħafna mill-isfidi attwali u għandhom ikunu sostnuti mill-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli u “speċjalizzazzjoni intelliġenti”;

2.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ekonomija marittima fis-sens wiesa’ mhix limitata għar-reġjuni u l-entitajiet b’aċċess dirett għall-ibħra u l-oċeani. Fil-biċċa l-kbira, l-ekonomija marittima hija relevanti wkoll għar-reġjuni l-bogħod mill-kosti u l-portijiet minħabba l-fatt li, fost l-oħrajn, jimmanifatturaw tagħmir marittimu u huma involuti f’attivitajiet fis-setturi tat-trasport u l-loġistika, u tar-riċerka u l-iżvilupp;

3.

jenfasizza l-importanza tat-tkabbir tal-ekonomija blu, li tista’ tgħin lill-UE tkun iktar kompetittiva fl-arena internazzjonali;

4.

jemmen li t-tkabbir blu għandu jkun ibbażat fuq il-protezzjoni tal-biodiversità u tal-ambjent marittimu u tal-ekosistemi, li għandu jsaħħaħ ir-rwoli naturali tal-ekosistemi kostali u tal-baħar b’saħħithom u reżistenti;

5.

japprezza l-inizjattivi attwali tal-UE u dawk ippjanati għall-perjodu 2014-2020, li għandhom l-għan li jappoġġjaw l-attivitajiet tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali u mmriati lejn it-tkabbir tal-ekonomija blu

6.

jappoġġja l-isforzi biex titwaqqaf sistema bi qbil għall-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu (MSP) madwar l-Unjoni Ewropea, li tkun għodda importanti ħalli tibbilanċja l-interessi tas-setturi differenti tal-ekonomija blu u tikkontribwixxi ħalli jiġi żgurat użu effiċjenti u sostenibbli ta’ riżorsi marini prezzjużi;

7.

jemmen li l-Ewropa m’għandhix politika marittima unitarja. Il-Kumitat jinnota wkoll li l-komunikazzjioni ma tikkunsidrax diversi oqsma tal-ekonomija marittima, bħat-trasport marittimu u l-industrija tarznarja;

Energija blu

8.

jaqbel li l-industrija tal-energija tal-baħar rinnovabbli fis-sens wiesa’ hija settur ekonomiku b’saħħtu li jipprovdi aċċess għall-elettriku, li għandu impatt marġinali fuq l-ambjent u jista’ jmexxi l-iżvilupp ta’ reġjun partikolari;

9.

jenfasizza li l-fondi tal-UE huma strument importanti li jaġixxu bħala forza motriċi għal dan is-settur tal-ekonomija. Il-fondi jintużaw biex jiffinanzjaw investimenti f’dan il-qasam, fir-riċerka u l-iżvilupp u fit-taħriġ tar-riżorsi umani;

10.

jinnota li għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-impatt ambjentali tal-istrutturi assoċjati mal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinovabbli;

11.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-iżvilupp tal-industrija tal-enerġija tal-baħar rinnovabbli tista’ tipprovdi impetu pożittiv għall-iżvilupp ta’ portijiet marittimi iżgħar, li jkunu jistgħu jlaħħqu mal-ħtiġijiet loġistiċi ta’ dak il-qasam tal-ekonomija marittima;

12.

jemmen li r-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet marittimi, l-awtoritajiet tal-portijiet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu mistiedna jipparteċipaw f’diskussjonijiet ulterjuri dwar il-futur tal-industrija tal-enerġija tal-baħar rinnovabbli;

13.

jinnota r-rwol speċjali li se jkollu s-settur pubbliku fl-appoġġ ta’ inizjattivi futuri f’dan il-qasam;

Akkwakultura u sajd

14.

jinnota li l-iżvilupp fl-akkwakultura, flimkien mat-tkabbir fil-produzzjoni bbażat fuq ir-rispett għall-ambjent, il-bilanċ ekoloġiku u l-biodiversità, se jkollu impatt pożittiv fuq it-tkabbir fil-konsum tal-ħut u organiżmi oħra akkwatiċi. Se jgħin fit-titjib tas-saħħa pubblika, jappoġġja l-operaturi ekonomiċi assoċjati mal-akkwakultura, inaqqas il-propożjoni tas-sostituti tal-proteini tal-ħut u jagħti spinta lill-impiegi f’dik il-parti tal-ekonomija blu;

15.

jinnota l-ħtieġa li l-akkwakultura tkun appoġġjata finanzjarjament bl-użu tal-fondi tal-UE. Dan se jsaħħaħ l-importanza tas-settur tas-sajd u tal-attivitajiet tas-sajd fir-reġjuni kostali;

16.

jirrifjuta l-proposti għal organiżmi akkwatiċi ġenetikament modifikati li għandhom l-għan li joħolqu speċijiet ġodda iktar reżistenti għall-mard u t-tniġġis tal-ambjent;

17.

jappoġġja l-bdil tal-magni tal-bastimenti tas-sajd u d-dħul fis-suq ta’ bastimenti tas-sajd ġodda iktar effiċjenti fl-enerġija biex jitwettaq sajd selettiv u jitjiebu s-sigurtà u l-kumdità tal-bastimenti;

18.

jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu fl-opinjoni dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd, li tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi stabbilit kunsill konsultattiv għall-akkwakultura, li jġib flimkien ir-rappreżentanti mis-settur tal-produzzjoni;

19.

jenfasizza r-rwol tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) bħala entità xjentifika li tappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura l-ġestjoni sostenibbli tas-sajd;

Turiżmu marittimu, kostali u tal-kruċieri

20.

jinnota li għal ħafna nies li jgħixu fl-UE, qed issir dejjem iktar attraenti btala ħdejn il-baħar f’pajjiż tal-UE. Barra minn dan, dawn il-btajjel qed isiru iktar attraenti minħabba l-kwalità dejjem togħla tas-servizzi pprovduti f’dan is-settur tal-ekonomija;

21.

jappoġġja l-approċċ strateġiku għall-infrastruttura assoċjata mal-portijiet marittimi, l-kapaċità tal-irmiġġ u t-trasport fis-sens iktar wiesa’ u jenfasizza r-rwol tal-appoġġ finanzjarju għal dawk l-attivitajiet ta’ investiment, fuq il-bażi ta’ fondi mill-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd;

22.

jemmen li inizjattivi li jġibu flimkien attivitajiet marbuta mal-protezzjoni tal-kosta u attivitajiet turistiċi li jirrispettaw l-ambjent għandhom ikunu appoġġjati u promossi fil-qafas finanzjarju għall-perjodu 2014-2020;

23.

jenfasizza r-rwol taż-żoni tal-baħar protetti għall-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u għall-iżvilupp tat-turiżmu tal-għadis sostenibbli, bħala għodda strateġika ta’ għarfien tal-ambjent tal-baħar u tas-sensibilizzazzjoni soċjali dwar l-istess għarfien;

24.

jappoġġja l-involviment attwali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-appoġġ, il-promozzjoni u r-reklamar tal-protezzjoni ambjentali, inizjattivi li jiżviluppaw l-infrastruttura turistika u taħriġ ta’ ħaddiema b’kapaċitajiet għoljin f’dan is-settur tal-ekonomija;

25.

jinnota l-importanza partikolari tal-universitajiet marittimi u ċentri akkademiċi ta’ taħriġ marittimu fejn jitħarrġu l-ħaddiema għall-ekonomija marittima kemm bi gradi universitarji kif ukoll bi kwalifiki professjonali għoljin f’dan il-qasam. L-appoġġ tal-attivitajiet tal-pjattaforma għall-kooperazzjoni dwar it-taħriġ tal-ħaddiema marittimi huwa wkoll essenzjali;

Riżorsi minerali tal-baħar

26.

jaqbel li l-ħtieġa dejjem ikbar għall-materja prima tista’ twassal għal iktar interess li dawn jinkisbu minn qiegħ il-baħar u l-oċeani, u li dan jista’ jkun ta’ piż kbir fuq l-ekwilibriju tal-ekosistemi tal-baħar, li wħud minnhom għadhom mhux tant magħrufa, u jikkawżaw fenomeni ta’ ċaqliq anke gravi tat-territorju u tal-ambjent naturali u antropoġeniku (ċediment, erożjoni, dħul tal-ilma baħar, eċċ) f’dawk il-postijiet fejn l-iskavi f’qiegħ il-baħar ikunu viċin tal-kosti; għalhekk, kif semma l-Kumitat fl-opinjoni tiegħu dwar l-iżvilupp sostenibbli, għandha tingħata preferenza lill-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ din il-materja prima wara li tkun intużat biex tonqos din il-pressjoni ekonomika;

27.

jemmen li riżorsi li jappoġġjaw ir-riċerka u l-ħidma għall-iżvilupp, l-iffinanzjar ta’ ċentri akkademiċi, studji, programmi xjentifiċi u boroż ta’ studju jistgħu jagħtu spinta lill-iżvilupp ta’ dan il-qasam tal-ekonomija;

28.

jenfasizza l-importanza ta’ appoġġ għas-settur speċjalistiku tat-tarznar u l-manifattura ta’ tagħmir għall-vapuri u bastimenti oħra (inkluż bastimenti għat-tħaffir fil-baħar) li jikkontribwixxu fl-isfruttament ta’ depożiti barra mix-xtut waqt li jżommu standards ambjentali għoljin;

29.

jiġbed l-attenzjoni għal kwestjoni li tista’ tkun ta’ importanza partikolari għal kull proposta dwar l-iżvilupp tal-ekonomija blu, jiġifieri għall-materjal militari li għad baqa’ minn żmien it-tieni gwerra dinjija u l-gwerra bierda u l-iskart radjuattiv li ntefa’ fil-baħar fil-passat. Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li titfassal metodoloġija fuq livell Ewropew u jiġu pprovduti fondi biex dan il-materjal perikoluż ikun sigur;

Bioteknoloġija blu

30.

jaqbel li bħalissa l-qasam kollu tal-bioteknoloġija bbażata fuq rizorsi akkwatiċi għadu ftit li xejn żviluppat. L-eżempji tal-prattiċi tajba pprovduti fil-komunikazzjoni, jiġifieri mediċini żviluppati minn organiżmi akkwatiċi, jipprovdu tama li r-riċerka mwettqa f’dan il-qasam tista’ tirriżulta li tħares ’il quddiem sew;

31.

jemmen li l-monitoraġġ tar-riċerka xjentifika tista’ tikkontribwixxi għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ġodda li, meta jiġu implimentati fuq skala industrijali, jistgħu jipprovdu spinta sinifikanti lill-ekonomija;

Konkluzjonijiet

32.

jenfasizza li l-iżvilupp tal-ekonomija blu jkun ibbażat fuq ir-rispett għall-ambjent u l-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli. Madanakollu, hija importanti ħafna wkoll l-assigurazzjoni li kwestjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent ikunu kkunsidrati f’dan l-iżvilupp;

33.

jemmen li l-iżvilupp ta’ infrastruttura prinċipali, speċjalment portijiet marittimi, kapaċitajiet għall-irmiġġ u netwerks tat-trasport, ikollhom rwol importanti fi kwestjonijiet marbuta mat-tkabbir blu. Għalhekk, kull forma ta’ appoġġ, b’mod partikolari programmi ta’ riċerka u żvilupp għandhom jiġu enfasizzati u trattati b’mod strateġiku;

34.

għalhekk jitlob li fl-iżvilupp tal-ekonomija blu titqies l-importanza tal-partikolaritajiet tal-baċiri marittimi Ewropej u li dawn jiġu sfruttati fl-implimentazzjoni tagħha;

35.

jisħaq li l-Kumitat tar-Reġjuni, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandu jkun mitlub b’mod sistematiku biex jieħu sehem f’ħidma ulterjuri dwar il-kunċett tat-tkabbir blu inkluż dwar l-iżvilupp u t-twaqqif tal-Istrateġiji tal-Baċiri tal-Baħar, li jqis bħala għodda importanti għall-implimentazzjoni ta’ aspetti ewlenin tat-tkabbir blu.

Brussell, 31 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/51


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija”

2013/C 62/11

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jinnota li l-iżvilupp mhux ikkoordinat u iktar imħaffef milli mistenni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’ħafna pajjiżi wassal għal għadd ta’ problemi politiċi, regolatorji u tekniċi fit-tħaddim tas-sistemi ta’ enerġija. Hemm bżonn dibattitu serju fil-livell tal-UE dwar il-mekkaniżmi u l-istrumenti adatti għall-promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’mod kkoordinat;

josserva li għandha titfassal sistema ta’ appoġġ sempliċi u effettiva għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bbażata fuq strateġija komuni Ewropea; tinħtieġ strateġija komuni bil-għan li jiġu żviluppati mekkaniżmi regolatorji bbażati fuq is-suq biex tiġi żgurata transizzjoni effettiva u soċjalment vijabbli lejn produzzjoni ogħla tal-enerġija rinnovabbli;

iqis li l-mekkaniżmi futuri għas-sussidji jistgħu jkunu bbażati fuq il-proċeduri verifikati tal-politika ta’ koeżjoni, ħaġa li twassal għall-appoġġ tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll għal implimentazzjoni iktar mifruxa tat-teknoloġiji l-ġodda tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

huwa konvint li, sabiex is-sitwazzjoni attwali ssir stabbli u jinħolqu inċentivi fit-tul għall-investituri, jeħtieġ li jkun hemm iżjed konsistenza bejn id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri individwali. Wieħed mill-istrumenti biex dan jiġi promoss jista’ jkun sistema pan-Ewropea ta’ appoġġ għas-sorsi rinnovabbli;

iqis li huwa possibbli li jiġu kkombinati teknoloġiji differenti għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fir-reġjuni b’metodi ġodda ta’ ġestjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-elettriku u tat-trażmissjoni permezz tal-applikazzjoni tat-teknoloġiji ta’ grilji intelliġenti (smart networks), biex il-ħtiġiet lokali tal-elettriku jiġu bbilanċjati mal-produzzjoni, u b’hekk is-sigurtà tal-enerġija tiżdied b’mod sinifikanti fir-reġjuni u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija b’distanza twila.

Relatur

Is-Sur STĘPIEŃ (PL/PPE), Marixxall tar-Reġjun ta’ Łódz

Dokument ta’ Referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija

COM (2012) 271 final

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jaqbel mal-fehma li ressqet il-Kummissjoni Ewropea li l-enerġija rinnovabbli hija aspett ewlieni fid-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija, iż-żieda fil-kompetittività Ewropea u l-ħolqien tal-impjiegi, u r-rispettar tal-impenji tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tat-tibdil fil-klima; jemmen ukoll li l-istadji importanti fl-enerġija rinnovabbli wara l-2020 huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-enerġija rinnovabbli tkun parti mis-suq Ewropew tal-enerġija;

2.

iqis li waħda mir-raġunijiet prinċipali għall-problema tal-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli hija nuqqas fil-politika tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea ta’ viżjoni fit-tul u koordinazzjoni bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u l-partijiet involuti, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ewlieni tal-miżuri ta’ effiċjenza fl-enerġija biex jinkisbu l-objettivi. Barra minn hekk jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-Istati Membri għandhom jużaw l-istrumenti eżistenti biex irawmu l-kooperazzjoni bejniethom u jagħmlu kummerċ fl-enerġiji rinnovabbli, u jenfasizza r-rwol partikolari li r-reġjuni tal-fruntiera jistgħu jaqdu bħala laboratorji għall-kooperazzjoni f’dan ir-rigward;

3.

josserva li għandha titfassal sistema ta’ appoġġ sempliċi u effettiva għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bbażata fuq strateġija komuni Ewropea. B’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, fil-livell Ewropew għandu jiġi speċifikat qafas ġenerali biss, b’enfasi partikolari fuq l-effetti transkonfinali. Il-mekkaniżmi futuri għas-sussidji jistgħu jkunu bbażati fuq il-proċeduri verifikati għall-koeżjoni, ħaġa li twassal għall-appoġġ tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll għal implimentazzjoni iktar mifruxa tat-teknoloġiji l-ġodda tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Jenfasizza r-rwol ewlieni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jaqdu fl-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli, li jeħtieġ li jkunu msejsa fuq l-esperjenzi u l-ħtiġijiet tar-reġjuni differenti; għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jinvolvu r-rappreżentanti tal-livelli lokali u reġjonali fit-tfassil tal-istrumenti ta’ politika fil-livell tal-UE u l-implimentazzjoni tagħhom;

II.   IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

4.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li sabiex tinkiseb żieda qawwija fil-proporzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ser ikollhom jittejbu l-iskemi ta’ appoġġ. Skont l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea l-ispejjeż għoljin tal-amministrazzjoni u l-kapital ta’ sikwit jgħollu l-prezz għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u jheddu l-kompetittività tagħhom, speċjalment fl-istadji bikrija tagħhom. Il-Komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali, ħaġa li tista’ telimina d-distorsjonijiet fis-suq tal-enerġija. Il-bidla lejn skemi li jesponu progressivament lill-produtturi għar-riskju tal-prezz tas-suq għandha żżid il-kompetittività fit-teknoloġija tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. B’mod partikolari, suq tal-emissjonijiet li jiffunzjona sew huwa kruċjali għat-tnaqqis tal-bżonn għal sussidji għal teknoloġiji maturi fuq perjodu fit-tul. Madankollu, ikun hemm bżonn l-appoġġ għat-teknoloġiji l-ġodda, inqas maturi. Il-KtR għalhekk jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjani tal-KE biex tħejji gwida tal-aħjar prattiki u esperjenzi miksuba f’dawn il-kwistjonijiet;

5.

jenfasizza li l-iżvilupp tal-infrastruttura huwa kruċjali għas-suċċess ta’ suq intern u biex l-enerġija rinnovabbli tkun tista’ tiġi integrata fis-sistemi tal-elettriku. It-titjib tal-infrastruttura tal-enerġija jista’ jsir permezz ta’:

investiment fin-netwerks ta’ distribuzzjoni,

modernizzazzjoni tal-infrastruttura tat-trażmissjoni,

investiment fl-interkonnessjonijiet, b’mod partikolari bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom,

żvilupp ta’ grilji intelliġenti,

appoġġ għall-ġenerazzjoni tal-enerġija deċentralizzata/fuq skala żgħira;

6.

jinnota li l-finanzjament tar-riċerka u l-iżvilupp huwa kruċjali għall-appoġġ tal-innovazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija. Jaqbel mal-Kummissjoni li b’mod partikolari t-teknoloġiji tal-oċeani, il-ħżin tal-enerġija u l-materjali avvanzati kif ukoll l-iżvilupp ta’ teknoloġiji biex jiġu sfruttati r-riżorsi tal-bijomassa mhux sfruttati għall-enerġija rinnovabbli jaqdu rwol importanti f’dan il-proċess. Il-Pjan tat-Teknoloġija Enerġetika Strateġika (Pjan SET) u l-programm futur ta’ riċerka Orizzont 2020 jirrappreżentaw il-kontribut ewlieni tal-UE biex jiġu xprunati l-iżviluppi fit-teknoloġiji ewlenin tal-enerġija. Jenfasizza r-rwol importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jaqdu fil-kooperazzjoni mal-infrastruttura tar-riċerka, u l-appoġġ tagħha, kif ukoll bħala investituri pubbliċi; ifakkar ukoll f’dan il-kuntest li l-importanza kruċjali tal-fondi għar-riċerka tal-UE f’dan il-qasam għandha tiġi riflessa b’mod adatt fid-dibattitu li għaddej bħalissa dwar il-qafas finanzjarju pluriennali;

7.

jinnota l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-livelli diversi ta’ ftuħ u integrazzjoni tas-swieq differenti tal-enerġija (tisħin u tkessiħ, trasport, elettriku, eċċ.); jaqbel li l-integrazzjoni tas-swieq tista’ tgħin biex jidħlu atturi ġodda, bħas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, iżda jenfasizza wkoll li l-ftuħ tas-suq fih innifsu mhuwiex garanzija għal żieda fl-effiċjenza u tnaqqis fil-prezzijiet, u li ftuħ b’suċċess jirrikjedi regolazzjoni u superviżjoni adatti fil-livell Ewropew, trasparenza u informazzjoni għall-konsumaturi; għaldaqstant jinsab ħerqan dwar id-dibattitu futur dwar il-proposti tal-Kummissjoni dwar is-suq intern tal-enerġija;

III.   L-IŻVILUPP TAS-SORSI TAL-ENERĠIJA RINNOVABBLI

Il-proporzjon tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija

8.

jiġbed l-attenzjoni li l-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija fl-UE f’nofs l-2012 kien 12,4 %, li jirrappreżenta żieda ta’ 1,9 % meta mqabbel mal-livell tal-2008; dan ifisser li l-UE bħalissa hija fi triqtha biex tilħaq l-għan tagħha ta’ sehem ta’ 20 % ta’ enerġija rinnovabbli sal-2020, iżda jfisser ukoll li l-UE għandha tkun iktar ambizzjuża u tistabbilixxi mira ogħla jew talinqas mira ta’ 20 % għal kull Stat Membru; barra minn hekk, hemm meħtieġa aktar sforzi lil hinn mill-2020 u l-UE għandha tistipola miri intermedji ambizzjużi bil-għan tal-possibbiltà li tilħaq 100 % ta’ enerġija rinnovabbli sal-2050, kemm jista’ jkun malajr;

Is-sussidji għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

9.

jappella għal struttura adatta u għanijiet realistiċi għall-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet li kienet prevista li sservi bħala forma ta’ appoġġ indirett għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

Skemi ta’ appoġġ u s-suq tal-enerġija

10.

jaqbel mal-fehma tal-KE li hemm bżonn li tittejjeb il-kompetittività tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li joperaw fis-swieq tal-enerġija. L-iskemi tas-sussidji għandhom jinħolqu b’tali mod li l-investituri jitħeġġu jiżviluppaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jiġi assigurat il-funzjonament effettiv fis-suq kompetittiv tal-enerġija. L-iskemi ta’ appoġġ għandhom iwasslu wkoll għas-sostituzzjoni gradwali ta’ forom oħra ta’ enerġija, b’mod partikolari dawk li għandhom impatt negattiv fuq l-ambjent;

11.

jinsab imħasseb li ċerti skemi ta’ appoġġ għar-riżorsi tal-enerġija rinnovabbli jista’ jkollhom konsegwenzi mhux pjanati jew jistgħu jiġu abbużati minn xi produtturi tal-enerġija rinnovabbli li jwassal għal spejjeż għoljin tal-enerġija rinnovabbli għall-konsumaturi. Hemm bżonn strateġija kkoordinata fil-livell tal-UE għall-enerġija rinnovabbli li tuża wkoll l-istrumenti tal-politika tal-kompetizzjoni nazzjonali u Ewropea biex tipprevjeni tali abbuż;

12.

jenfasizza li, l-istess bħas-sistema tat-tariffi garantiti, is-sistema taċ-ċertifikati ekoloġiċi telimina wkoll ir-riskji tas-suq. Barra minn hekk, is-sistema taċ-ċertifikati ekoloġiċi tista’ anke ma tiffunzjonax sew f’kull rispett f’ċerti pajjiżi. Iż-żieda rapida fl-enerġija mis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli qed tirriżulta f’sitwazzjoni fejn l-ammont ta’ ċertifikati qed jibda jisboq l-ammont obbligatorju li jrid jinxtara, u b’hekk wasslet għal kollass fil-prezzijiet taċ-ċertifikati. Għalhekk hemm bżonn li l-għanijiet tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jiġu evalwati u ċ-ċertifikati jiġu aġġustati kif dovut;

13.

fil-prinċipju jilqa’ s-sistema ġdida proposta tal-garanzija ta’ oriġini (Guarantee of Origin), tip ta’ ċertifikat ekoloġiku Ewropew li ser jagħmilha possibbli li jsir kummerċ fiċ-ċertifikati ekoloġiċi fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li jimplimentaw din is-sistema; madankollu, hemm bżonn monitoraġġ biex jiġi verifikat jekk dan il-pass huwiex suffiċjenti biex jiġu korreġuti n-nuqqasijiet tas-sistemi eżistenti;

Reazzjonijiet għan-nuqqas ta’ koordinazzjoni fl-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

14.

jinnota li l-iżvilupp mhux ikkoordinat u iktar imħaffef milli mistenni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’ħafna pajjiżi wassal għal għadd ta’ problemi politiċi, regolatorji u tekniċi fit-tħaddim tas-sistemi ta’ enerġija. Hemm bżonn dibattitu serju fil-livell tal-UE dwar il-mekkaniżmi u l-istrumenti adatti għall-promozzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’mod kkoordinat. Tinħtieġ strateġija komuni bil-għan li jiġu żviluppati mekkaniżmi regolatorji bbażati fuq is-suq biex tiġi żgurata transizzjoni effettiva u soċjalment vijabbli lejn produzzjoni ogħla tal-enerġija rinnovabbli;

15.

jindika li l-koordinazzjoni tal-flussi ta’ enerġija elettrika bejn pajjiżi u reġjuni differenti għandha tittejjeb aktar. It-tkabbir sinifikanti f’sehem is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-ammont globali ta’ enerġija prodotta jeħtieġ iktar koordinazzjoni fl-iżvilupp u t-tħaddim tan-netwerks kif ukoll regolazzjoni legali effettiva ta’ sistemi tal-elettriku interkonnessi, kemm bejn il-pajjiżi u r-reġjuni differenti kif ukoll bejn il-kontinent u l-ġżejjer, u bejn il-gżejjer infushom;

16.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli tista’ tiġi promossa b’rabta ma’ kunċetti tal-enerġija lokali. Il-kunċetti tal-enerġija jridu jinkludu miżuri għall-iffrankar tal-enerġija, żieda fl-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-iffrankar ta’ riżorsi bir-rispett sħiħ tas-sostenibbiltà;

Kundizzjonijiet tekniċi għat-tħaddim tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

17.

jenfasizza l-fatt li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma konnessi mal-grilji tal-enerġija li mhumiex mibnija għal dan it-tip ta’ sors ta’ enerġija. L-użu mifrux tal-enerġija rinnovabbli ser jeħtieġ żmien u investiment għat-titjib tal-grilji tal-enerġija, li l-istat attwali tagħhom qed jillimita t-tkabbir tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Din il-problema tista’ tingħeleb bl-implimentazzjoni ta’ grilji intelliġenti, kif ukoll b’interkonnessjoni akbar tal-grilji bejn l-Istati Membri tal-UE, bejn ir-reġjuni kontinentali u dawk insulari, kif ukoll bejn il-gżejjer. Barra minn hekk, ħafna sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħall-parks eoliċi jew il-faċilitajiet fotovoltajċi huma instabbli b’mod sinifikanti. B’riżultat ta’ dan hemm bżonn li tinżamm ċertu kapaċità żejda fl-impjanti konvenzjonali, li jiġi żviluppat ħżin adatt tal-enerġija u li tiġi mħeġġa l-flessibbiltà permezz tal-ġestjoni flessibbli tad-domanda;

18.

jinnota li filwaqt li l-użu ta’ faċilitajiet għall-ħżin tal-elettriku fuq skala kbira jtejjeb b’mod konsiderevoli l-kundizzjonijiet tat-tħaddim tas-sistemi tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, mhuwiex possibbli teknikament li l-elettriku jinħażen direttament. Is-sistemi tal-ħżin indirett, li jikkonvertu l-enerġija elettrika f’enerġija kimika bħall-batteriji elettriċi, jew l-enerġija kinetika bħall-impjanti tal-elettriku għall-ħżin mill-pompa, bħalissa jqumu ħafna flus u l-possibbiltajiet li jiġu implimentati b’mod iktar mifrux huma limitati. L-użu iktar mifrux tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-sistemi tal-elettriku jiddependi mill-isfruttar ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari l-ħżin ta’ enerġija ġdida, pereżempju għall-produzzjoni ta’ akkumulaturi b’darbtejn jew tliet darbiet id-densità attwali tal-enerġija bi spiża konsiderevolment iktar baxxa. It-teknoloġiji li jikkonvertu l-elettriku żejjed f’gass (“power to gas”) għandhom jiġu żviluppati aktar għax joffru ħafna vantaġġi. Il-gass li jiġi prodott artifiċjalment jista’ juża n-netwerk u l-infrastruttura tal-ħżin eżistenti. Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha tiġi intensifikata r-riċerka dwar teknoloġiji ġodda għall-ħżin tal-enerġija, sabiex tiġi faċilitata l-applikazzjoni wiesgħa ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għall-produzzjoni tal-enerġija elettrika;

19.

jenfasizza li n-nuqqas ta’ infrastruttura sabiex jintużaw b’mod effettiv ir-riżorsi limitati ta’ enerġija rinnovabbli fil-kontinent Ewropew bħal parks eoliċi fuq skala kbira fil-Baħar tat-Tramuntana u l-impjanti solari madwar il-Mediterran u fl-Afrika ta’ Fuq ifisser li huwa meħtieġ investiment sostanzjali fl-Awtostradi tal-Elettriku Ewropej (1). Għall-iżvilupp tal-Awtostradi tal-Elettriku Ewropej iridu jiġu rrispettati regoli ambjentali stretti ħafna u huwa obbligatorju li jridu jiġu involuti r-reġjuni kkonċernati. Barra minn hekk, iridu jitneħħew metodi baġitarji mhux invażiv u trid titqies ukoll il-possibbiltà ta’ passaġġi taħt l-art. Barra minn hekk, għandu jitqies li s-sistema attwali Ewropea tal-elettriku, ġestita min-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), li testendi mill-Portugall sal-fruntiera tal-Lvant tal-Polonja u mid-Danimarka sal-pajjiżi Balkani għandha tiġi aġġornata biex tilqa’ d-domanda ġdida li qed tinħoloq minn aktar integrazzjoni tal-enerġija fl-Ewropa; għalhekk jappoġġja l-kostruzzjoni ta’ linji ġodda tal-elettriku DC li tista’ żżid l-affidabbiltà tat-tħaddim tan-netwerk Ewropew u tnaqqas it-telf tal-elettriku matul it-trażmissjoni;

Niżguraw li l-enerġija rinnovabbli hija sostenibbli

20.

jiġbed l-attenzjoni li l-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli jeħtieġ titwettaq f’manjiera kompletament sostenibbli. Meta jiġu żviluppati sistemi eżistenti jew jinħolqu oħrajn ġodda, għandha tingħata attenzjoni biex dawn ma joħolqux ostakli ġodda għall-iżvilupp tas-swieq tal-enerġija u tal-karburanti. L-approċċi u s-sistemi eżistenti għandhom jiġu sfruttati bis-sħiħ. L-isforzi biex jiġi żgurat li l-bijoenerġija tkun newtrali fir-rigward tal-karbonju huma ta’ importanza ewlenija fl-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli;

IV.   SISTEMA TA’ APPOĠĠ ĠDIDA GĦAS-SORSI TA’ ENERĠIJA RINNOVABBLI

21.

jinnota li tkun ħaġa tajba li l-Kummissjoni Ewropea twettaq l-analiżi li twassal għat-tfassil ta’ skemi ta’ appoġġ ġodda għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li jkunu kkoordinati fl-Unjoni Ewropea kollha filwaqt li jitqiesu l-esperjenza u l-prattiki tajbin tal-Istati Membri u r-reġjuni. Tali approċċ jista’ jidentifika l-għanijiet u l-miżuri pan-Ewropej biex jinkisbu. Skema ġdida tista’ tkopri l-aspetti legali, ekonomiċi, tekniċi u soċjali;

22.

jipproponi li s-sistema Ewropea ta’ appoġġ tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha:

tistabbilixxi fond pan-Ewropew sabiex jiġu appoġġjati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

tikkoordina l-iskemi ta’ appoġġ għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-livell Ewropew u tagħmilhom kompatibbli ma’ xulxin;

issaħħaħ ir-rwol reġjonali fl-allokazzjoni tal-appoġġ għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

tottimizza l-użu tat-teknoloġiji tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli abbażi tad-disponibblità tar-riżorsi rinnovabbli fir-reġjuni u tqajjem sensibilizzazzjoni soċjali;

topera f’diversi livelli: fil-livell Ewropew għall-impjanti l-kbar u fil-livell nazzjonali u reġjonali għall-impjanti ż-żgħar u mikro;

tagħti s-sussidji u forom oħra ta’ appoġġ ieħor għall-investiment f’livelli li jippermetti l-integrazzjoni sħiħa tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-swieq kompetittivi tal-enerġija;

tappoġġja l-isforzi biex tinkiseb l-indipendenza fl-enerġija;

tappoġġja l-iżvilupp ta’ grilji tal-elettriku u n-netwerks intelliġenti li jippermettu implimentazzjoni usa’ tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

ittejjeb it-tħaddim tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fin-netwerks tal-elettriku intelliġenti permezz ta’ appoġġ għall-pakketti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-ħżin tal-enerġija;

taqsam l-ispejjeż għall-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-aħjar livell possibbli, b’mod ġust bejn iċ-ċittadini Ewropej;

Fond pan-Ewropew għall-appoġġ tal-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

23.

jinnota li xi Stati Membri qed jipprovaw inaqqsu l-prezzijiet tal-elettriku li qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla billi jdaħħlu restrizzjonijiet għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li qed jassumu f’ċerti każijiet u sa ċertu punt,huma marbuta mat-tħaddim ħażin tal-iskemi ta’ appoġġ attwali tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Reazzjonijiet ta’ politika fuq medda qasira ta’ żmien bħal dawn juru kif in-nuqqas ta’ regolazzjoni stabbli u politika tal-UE kkoordinata dwar is-sorsi rinnovabbli u r-riskji regolatorji sinifikanti li jirriżultaw minn dan jista’ jkollhom effett negattiv ħafna, kemm fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-suq tal-enerġija;

24.

huwa konvint li, sabiex is-sitwazzjoni attwali ssir stabbli u jinħolqu inċentivi fit-tul għall-investituri, jeħtieġ li jkun hemm iżjed konsistenza bejn id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri individwali. Wieħed mill-istrumenti biex dan jiġi promoss jista’ jkun sistema pan-Ewropea ta’ appoġġ għas-sorsi rinnovabbli. Barra minn hekk, huma ta’ importanza ewlenija t-tnaqqis fis-sussidji nazzjonali għall-karburanti fossili u t-tmiem ta’ politiki oħrajn li jxekklu l-investiment fl-enerġija rinnovabbli;

25.

jirrimarka li, meta wieħed iqis il-ħtieġa għal investiment sabiex issir ir-rivoluzzjoni enerġetika (stmat li huma meħtieġa EUR 1 triljun madwar l-UE sal-2030), u l-averżjoni għar-riskju mifruxa tal-investituri, b’mod partikolari fil-klima finanzjarja attwali, huwa neċessarju li jsir użu tar-riżorsi finanzjarji kollha (bħall-fondi ta’ koeżjoni tal-UE, dħul mill-ETS riveduta, strumenti finanzjarji innovattivi fuq livelli differenti, dħul minn kapaċità installata); jaf ikun meħtieġ ukoll li jiġu previsti bonds tal-proġetti għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli sabiex jingħataw riżorsi finanzjarji għar-riċerka u l-iżvilupp u l-investiment kapitali għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

26.

għalhekk iqis li s-sussidji għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandhom jiġu kkoordinati fil-livell tal-Unjoni Ewropea u bejn l-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin tal-Istati Membri u r-reġjuni, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju tal-investiment u jinħolqu inċentivi ġodda għall-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

It-tisħiħ tar-rwol reġjonali fl-allokazzjoni tal-appoġġ tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli

27.

jenfasizza li xi skemi ta’ appoġġ attwali implimentati fil-livell tal-Istati Membri jistgħu xi kultant ma jirriflettux sew il-karatteristiċi speċifiċi ta’ reġjuni differenti. Ħafna drabi s-sorsi ta’ enerġija ma jkunux jinsabu qrib l-utenti aħħarin, ħaġa li teħtieġ ħidma ta’ żvilupp maġġuri fuq il-linji ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni. In-nuqqas ta’ infrastruttura ta’ trażmissjoni żviluppata biżżejjed huwa wieħed mill-ostakli prinċipali fil-iżvilupp b’rata mgħaġġla tas-sorsi rinnovabbli;

28.

jinsab konvint b’mod partikolari li jekk jiżdied ir-rwol tar-reġjuni, tingħata spinta lill-effetti ta’ sinerġija u fl-istess ħin jiġu ottimizzati l-ispejjeż għall-kostruzzjoni tal-infrastruttura tal-netwerks. Għalhekk huwa daqsekk importanti li tiżdied il-parteċipazzjoni tar-reġjuni fil-promozzjoni tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u li jiġu allokati l-fondi għall-promozzjoni ta’ dawn is-sorsi lir-reġjuni kif ukoll lill-produtturi tal-enerġija rinnovabbli. L-iskemi ta’ appoġġ għas-sorsi rinnovabbli għandhom jaqsmu wkoll l-għarfien tar-reġjuni u jħeġġu lir-reġjuni biex jaħdmu flimkien;

L-aħjar użu possibbli tat-teknoloġiji għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bbażat fuq id-disponibblità tar-riżorsi rinnovabbli fir-reġjuni

29.

jinsab konvint li r-reġjuni jistgħu jidentifikaw l-aħjar taħlita ta’ teknoloġiji rinnovabbli, pereżempju billi jabbinaw l-iżvilupp tal-parks eoliċi u l-parks tal-enerġija mix-xemx mal-impjanti li jużaw il-bijogass u l-bijomassa kif ukoll riżorsi ġeotermali, b’mod partikolari t-teknoloġiji li jużaw is-sħana ġeotermali għall-produzzjoni tal-elettriku; għal dawn ir-raġunijiet għandu jsir sforz biex – kull fejn huwa possibbli mil-lat tekniku – tiġi appoġġjata l-produzzjoni tal-bijogass, f’netwerks ta’ gass naturali li diġà jeżistu, u b’hekk tingħata spinta lil din il-prattika;

30.

iqis li huwa possibbli li jiġu kkombinati teknoloġiji differenti għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fir-reġjuni b’metodi ġodda ta’ ġestjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-elettriku u tat-trażmissjoni permezz tal-applikazzjoni tat-teknoloġiji ta’ grilji intelliġenti (smart networks), biex il-ħtiġiet lokali tal-elettriku jiġu bbilanċjati mal-produzzjoni, u b’hekk is-sigurtà tal-enerġija tiżdied b’mod sinifikanti fir-reġjuni u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija b’distanza twila;

31.

jenfasizza li r-reġjuni għandhom rwol partikolarment importanti x’jaqdu fl-istabbiliment u l-iżvilupp tal-mikroimpjanti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u biex iħeġġu l-ħolqien ta’ “prosumaturi” (produtturi-konsumaturi), konsumaturi tal-enerġija li mhux biss jużaw l-enerġija iżda jipproduċu wkoll l-enerġija għall-użu proprju u tal-ġirien. L-iżvilupp ta’ prosumaturi fil-qasam tal-enerġija jista’ jikkontribwixxi mhux biss biex jiġu limitati l-ispejjeż globali tal-produzzjoni u l-provvista tal-enerġija iżda anke l-iżvilupp ta’ xejriet ġodda ta’ konsum u produzzjoni tal-enerġija sostenibbli. Il-KtR jappoġġja b’mod qawwi l-produzzjoni tal-enerġija fil-livell reġjonali għas-settur pubbliku u dak privat, inklużi d-djar privati;

32.

jinnota li r-reġjuni għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-iżvilupp tal-koġenerazzjoni. Tali teknoloġija, li tħallat il-produzzjoni tal-enerġija mis-sħana u l-elettriku tippermetti li jinħareġ kważi 90 % tal-kontenut tal-enerġija primarja mill-karburant. Ir-rwol tar-reġjuni jista’ jkun l-iżvilupp tal-koġenerazzjoni, filwaqt li jitqiesu n-netwerks distrettwali eżistenti tat-tisħin u fejn ikunu qed isiru l-investimenti l-ġodda fir-reġjun. L-Unjoni Ewropea għandha toħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-appoġġ għal dawn il-faċilitajiet effiċjenti ħafna biex ikunu jistgħu jkopru l-ispejjeż tal-operat tagħhom;

Azzjoni kkoordinata fuq livelli differenti: skema ta’ appoġġ fil-livell tal-UE li tippermetti li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jsiru kompetittivi u jiġu żviluppati soluzzjonijiet reġjonali ta’ enerġija rinnovabbli

33.

jinnota li l-iskemi attwali ta’ sussidji għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli jippermettu biss pjanar limitat tal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli u f’ħafna każijiet ma jeżistux rekwiżiti għall-operaturi;

34.

għalhekk iqis li sistema ġdida tas-sussidji għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli għandha tkun previdibbli, bl-ammont ta’ riżorsi identifikati għas-sussidjar tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli stabbilit u magħruf minn snin qabel, f’korrelazzjoni mal-miri tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Is-sistema għandha tadatta għal kull teknoloġija, billi tqis il-vijabbiltà tagħha u l-livell ta’ maturità, u jkollha wkoll il-flessibbiltà meħtieġa biex tkun tista’ tirreaġixxi għas-sinjali li jibagħtu s-swieq f’kull pajjiż;

35.

jindika li r-rwol tar-reġjuni u l-partijiet interessati lokali għandu jiżdied billi jintuża l-għarfien lokali biex jiġu kkwantifikati l-ispejjeż tal-investiment u l-appoġġ meħtieġ, sabiex iktar tard il-produtturi tal-enerġija rinnovabbli jkunu jistgħu joperaw fis-swieq tal-enerġija Ewropej;

36.

josserva li l-iżvilupp ta’ ċentri għall-appoġġ tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fir-reġjuni joħloq l-impjiegi u jippromovi l-iżvilupp ta’ diversi forom ta’ taħriġ li huma kruċjali għall-investituri u l-kumpaniji involuti fil-kostruzzjoni u fil-konnessjoni mal-grilja. L-iżvilupp tal-għarfien lokali jirriżulta wkoll f’żieda fir-riċerka dwar l-iżvilupp reġjonali tal-enerġija rinnovabbli. Din ir-riċerka tista’ tkun parti wkoll mir-riċerka li titwettaq fil-livell Ewropew u nazzjonali;

37.

jenfasizza li l-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli f’ħafna każijiet ikun limitat minn żvilupp inadegwat tal-grilja tad-distribuzzjoni tat-trasport u tal-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE, bejn ir-reġjuni kontinentali u dawk insulari, kif ukoll bejn il-gżejjer. It-tneħħija ta’ dawn ir-restrizzjonijiet teħtieġ approċċ f’żewġ livelli, l-iżvilupp u l-modernizzazzjoni tal-grilja eżistenti, u l-ġestjoni moderna tal-grilja u tal-konsumaturi u l-produtturi tal-elettriku mqabbdin magħha. Barra minn hekk, id-diversi teknoloġiji ta’ ħżin għandhom jiġu integrati fl-iżvilupp tan-netwerk peress li jnaqqsu l-bżonn ta’ aktar kapaċità tan-netwerk u jistgħu jagħmlu disponibbli enerġija riżervata. L-użu tan-netwerk tal-gass bl-iżvilupp tal-faċilitaijiet “power to gas” għandu jiġi kkunsidrat bħala alternattiva waħda;

38.

jemmen ukoll li parti mill-fondi għandhom jiġu allokati għall-iżvilupp tal-grilja ta’ distribuzzjoni tat-trasport u tal-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE, bejn ir-reġjuni kontinentali u dawk insulari, kif ukoll bejn il-gżejjer. Is-sistema ta’ appoġġ għandha tippermetti appoġġ simultanju u kkoordinat għall-iżvilupp tal-grilji u l-impjanti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Minn naħa dan jippermetti użu iktar effettiv tal-fondi ta’ appoġġ u min-naħa l-oħra li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-operaturi tan-netwerk lokali u l-produtturi tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll il-prosumaturi. Kooperazzjoni bħal din bejn l-operaturi tal-grilji u l-produtturi tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, imnieda mill-allokazzjoni kkoordinata tal-fondi ta’ appoġġ, telimina wieħed min-nuqqasijiet tas-sistema eżistenti – il-kooperazzjoni inadegwata bejn l-operaturi tal-grilji u l-produtturi;

Nillimitaw il-varjazzjonijiet fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ appoġġ għall-pakketti: is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-ħżin tal-enerġija

39.

jinnota li l-produzzjoni tal-enerġija minn teknoloġiji tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tiddependi fuq fatturi esterni bħal-livelli tar-riħ jew ir-radjazzjoni mix-xemx. Dan jillimita ż-żidiet tal-kapaċità tal-impjanti tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. It-titjib tat-tħaddim tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jista’ jinkiseb billi jiġu stabbiliti clusters tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bl-użu ta’ teknoloġiji differenti bħat-turbini tar-riħ, l-enerġija mix-xemx fotovoltajka, il-bijomassa u l-bijogass, kif ukoll l-enerġija ġeotermali u l-ħżin tal-enerġija bl-użu ta’ grilji intelliġenti;

Appoġġ għall-ispejjeż tal-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mis-soċjetà Ewropea

40.

iqis li s-sistemi ta’ produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli ma jistgħux jiġu żviluppati mill-Istati Membri individwali f’iżolament. Dan l-iżvilupp huwa abbinat mal-ksib tal-għanijiet tal-politika tal-klima, il-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u t-titjib fis-sigurtà tal-enerġija Ewropea u billi l-Ewropa ssir indipendenti mill-provvista ta’ enerġija esterna. Dan l-għan konġunt pan-Ewropew għandu jiġi implimentat mil-livelli kollha ta’ governanza flimkien u f’koordinazzjoni ma’ xulxin. Fl-istess waqt, huwa importanti li tinżamm ċara t-tranżizzjoni lejn il-possibbiltà ta’ 100 % sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jiġi żgurat li tipi ta’ enerġija “mhux konvenzjonali” jew oħrajn li jistgħu jagħtu l-impressjoni li huma alternattivi, iżda li mhumiex rinnovabbli u għalhekk mhux sostenibbli u ma jiħdux post il-karburanti fossili konvenzjonali, ma jneħħux l-attenzjoni u r-riżorsi mill-bidla neċessarja fis-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

41.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li azzjonijiet mhux ikkoordinati jistgħu jwasslu għal konsegwenzi mhux pjanati bħal tnaqqis fis-sigurtà tal-provvista u żieda fil-prezzijiet mhux ġustifikata, ħaġa li twassal għal attitudnijiet negattivi mill-pubbliku u tnaqqis fl-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli. Din is-sitwazzjoni tista’ tittejjeb b’dibattiti pubbliċi u bi proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi trasparenti, kif ukoll permezz ta’ kampanji ta’ tagħrif għall-pubbliku dwar il-ħtieġa għal użu effiċjenti tal-enerġija u dwar l-eżistenza ta’ mudelli ġodda ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli tal-enerġija.

Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  DĠ Enerġija, L-infrastruttura tal-enerġija. Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara, COM (2010) 677 final.


2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/57


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-istat għar-reġjuni għall-perjodu 2014–2020”

2013/C 62/12

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iqis li l-iskema tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni hija strument essenzjali għat-tilħiq tal-għanijiet ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi l-proċess tagħha tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni fi strateġija Ewropea aktar globali ta’ tkabbir, koeżjoni u impjiegi;

iqis li l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni hija mezz għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri biex jegħlbu l-effetti fit-tul tal-kriżi billi jappoġġjaw id-dinamiċi ekonomiċi tat-territorji li jinsabu f’diffikultà;

jappella lill-Kummissjoni Ewropea tintegra l-effetti tal-kriżi billi żżid, minn naħa, il-livelli massimi tar-rati għall-għajnuna u, min-naħa l-oħra, il-persentaġġ tal-popolazzjoni kopert minn din ix-xorta ta’ għajnuna;

iqis li r-restrizzjonijiet il-ġodda imposti fuq l-għajnuniet lill-intrapriżi l-kbar, fis-sens Komunitarju, mhumiex ġustifikati f’perjodu ta’ kriżi ekonomika u jappella lill-Kummissjoni Ewropea twessa’ l-livell attwali tad-definizzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs);

jitlob koordinazzjoni aħjar tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni mal-politiki Ewropej l-oħrajn, speċjalment il-politika ta’ koeżjoni u jitlob f’dan ir-rigward li r-riforma tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni tiġi armonizzata mal-ħolqien tal-kategorija tar-reġjuni fi tranżizzjoni;

jissuġġerixxi li fil-kriterji tagħha dwar it-tfassil tal-qsim skont iż-żoni, il-Kummissjoni Ewropea tqis l-iżvantaġġi naturali, ġeografiċi u demografiċi ta’ ċerti reġjuni.

Relatur

Is-Sur DENANOT (FR/PSE), President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Limousin

Dokument ta’ referenza

/

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni għall-perjodu 2014-2020

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

jesprimi sodisfazzjon dwar il-fatt li r-riforma tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni qed issir f’kuntest aktar ġenerali ta’ tfassil mill-ġdid u semplifikazzjoni tar-regoli Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat;

2.

jenfasizza l-importanza għall-kontributuri, li tagħhom jagħmlu parti l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda wkoll għall-benefiċjarji, li jkunu jistgħu jibbażaw fuq prinċipji ċari, faċli jinqraw u jinftiehmu u, bi tkomplija tal-Opinjoni tiegħu (ECOS-V-035) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (1), huwa jtenni l-inkoraġġiment li ta lill-Kummissjoni Ewropea biex tmur aktar lil hinn fil-proċess tagħha ta’ modernizzazzjoni u ta’ semplifikazzjoni, billi tikkonċentra fuq il-kontroll tal-għajnuniet li għandhom impatt sinifikanti fuq is-suq intern;

3.

iqis li fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u soċjali, l-investiment pubbliku huwa essenzjali fil-qafas ta’ strateġija globali ta’ tkabbir u li r-reġjuni jrid ikollhom biżżejjed flessibbiltà fir-regoli tal-għajnuna mill-Istat biex titjieb il-kompetittività tagħhom, jinħolqu l-impjiegi u joħorġu mill-kriżi attwali;

4.

barra minn hekk, jenfasizza r-rwol importanti li qdiet il-Kummissjoni Ewropea mill-2007 ’l hawn biex twieġeb għall-effetti tal-kriżi bit-turija ta’ kapaċità kbira ta’ reazzjoni u ta’ azzjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ oqfsa temporanji. Il-Kumitat tar-Reġjuni jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ma tnaqqasx l-isforzi tagħha billi tivvaluta l-gravità tas-sitwazzjoni ekonomika meta tkun qed tfassal il-linji gwida tagħha li jmiss dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni u jenfasizza li l-appoġġ għall-intraprenditorija, l-intrapriżi l-kbar u l-SMEs, huwa fundamentali għar-reġjuni kollha li jkunu qed jagħmlu ristrutturar ekonomiku, fosthom dawk koperti mill-Artikolu 107(3)(c);

5.

jinnota li, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni hija ġustifikata minħabba li hija merfugħa għal ċerti reġjuni u li għandha l-għan speċifiku li tgħin l-iżvilupp ta’ dawn ir-reġjuni (2). L-għan ta’ din l-għajnuna partikolari hija li, flimkien mal-politika ta’ koeżjoni, tagħti appoġġ lir-reġjuni l-aktar fraġli fl-isforzi tagħhom biex jilħqu l-livell ekonomiku tar-reġjuni Ewropej l-oħra sabiex jagħtu sehemhom biex jinkiseb l-għan ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni Ewropea;

6.

jenfasizza l-importanza tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni bħala fattur ewlieni fl-istabbiliment, il-lokalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-intrapriżi – fosthom l-intrapriżi kbar – f’reġjuni żvantaġġati, u jenfasizza li dawn huma assolutament neċessarji, flimkien ma’ tipi oħra ta’ għajnuna (bħall-għajnuna għall-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-għajnuna ambjentali, eċċ.), sabiex jippromovu l-investiment f’dawn ir-reġjuni;

7.

jappoġġja l-inizjattiva li jitrattbu r-regoli li diġà ħadet il-Kummissjoni Ewropea fil-pubblikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa skont il-kategorija (3) li l-Artikolu 13 tiegħu jikkonċerna l-għajnuna għar-reġjuni;

8.

jinsisti li jixtieq li l-limiti de minimis previsti fir-Regolament 2006/1998/KE jiżdiedu minn EUR 200 000 għal EUR 500 000 fuq perjodu ta’ tliet snin fiskali; b’mod simili jqis li huwa meħtieġ li l-livelli de minimis jiġu riveduti bl-istess proporzjon fis-setturi tal-agrikoltura u tas-sajd, flimkien mal-valur tar-rata netta ta’ inadempjenza li jitqies bħala l-agħar ipoteżi għall-iskemi ta’ garanzija fl-Unjoni;

9.

jenfasizza l-kontradizzjoni li, fil-kalkolu tal-limiti massimi tal-intensità tal-għajnuna għar-reġjuni, tiġi inkluża l-għajnuna mill-Istat għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li, a priori, huma kkunsidrati bħala kompatibbli mat-Trattat u fl-istess waqt jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Fondi Strutturali (4). Jeżisti l-periklu li din l-inklużjoni żżomm lill-Istati Membri lura milli jiffinanzjaw l-għajnuna mill-Istat għall-benefiċċju tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni li tikkunsidra li teskludi l-għajnuna mill-Istat lis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali mill-kalkolu tal-limiti massimi tal-intensità tal-għajnuna lir-reġjuni;

L-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni għas-servizz tal-koeżjoni, it-tkabbir u l-impjiegi

10.

iqis li għajnuniet mill-Istat immirati aħjar għandhom jippruvaw jilħqu erba’ għanijiet preċiżi, jiġifieri:

li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-iżbilanċi bejn ir-reġjuni;

li jikkumpensaw għan-nuqqasijiet tas-suq iżda mingħajr ma jgħawġu l-kompetizzjoni;

li jħeġġu l-kompetittività tal-intrapriżi fir-reġjuni;

li jappoġġjaw l-investimenti fir-reġjuni milquta mill-kriżi ekonomika u finanzjarja;

11.

jinnota li billi jiġu mmirati r-reġjuni żvantaġġati u iżolati, l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni tagħti kontribut għall-promozzjoni ta’ żvilupp armonjuż u bbilanċjat tat-territorju tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jinkisru r-regoli tal-kompetizzjoni;

12.

iqis li l-iskema tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni hija strument essenzjali għat-tilħiq tal-għanijiet ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. L-iskema tagħti sehemha fl-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni li jinsabu fid-diffikultà billi tippermetti lis-setgħat pubbliċi jappoġġjaw lill-intrapriżi li jinsabu f’dawn it-territorji u b’hekk tiffaċilita l-bilanċ mill-ġdid tad-distribuzzjoni tar-rikkezzi u tal-investimenti bejn ir-reġjuni Ewropej differenti;

13.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi l-proċess tagħha tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni fi strateġija Ewropea aktar globali ta’ tkabbir, koeżjoni u impjiegi;

14.

f’dan il-kuntest jixtieq jiġbed l-attenzjoni wkoll li r-reġjuni fi ħdan l-Unjoni Ewropea spiss jikkompetu ma’ pajjiżi terzi għall-Investiment Dirett Barrani (IDB) u b’hekk iqis li r-reviżjoni tal-linji gwida trid tagħraf il-benefiċċji pożittivi għall-ekonomija tal-UE tal-iffaċilitar tal-IDB u tal-fatt li l-kompetizzjoni internazzjonali fil-qasam tal-investiment tiġi akkomodata b’mod adegwat;

15.

jenfasizza l-importanza li r-riforma tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni tintrabat mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Dwar dan, il-Kumitat tar-Reġjuni jindika l-importanza mogħtija lill-kompetittività tal-intrapriżi fil-qafas tal-għanijiet tematiċi tal-Qafas Strateġiku Komuni u jqis li jkun paradossali li, minn naħa, jitnaqqsu l-kapaċitajiet ta’ intervent pubbliku fuq l-intrapriżi, u, min-naħa l-oħra, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitħeġġu jappoġġjaw il-proġetti ta’ żvilupp ta’ dawn l-istess intrapriżi fil-qafas tal-użu tal-fondi strutturali;

16.

jitlob għalhekk għal koordinazzjoni aħjar tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni mal-politiki Ewropej l-oħrajn, speċjalment il-politika ta’ koeżjoni iżda wkoll il-politika industrijali, tar-riċerka u l-innovazzjoni u saħansitra tas-suq intern. Il-Kumitat tar-Reġjuni jfakkar li, skont it-termini tat-Trattat, it-twettiq tas-suq intern, u għaldaqstant tar-regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat, għandhom iqisu l-għanijiet tal-koeżjoni fit-territorju kollu tal-UE u jikkontribwixxu għat-tilħiq tagħhom (5);

17.

iqis li ċerti oqsma bħall-ekonomija soċjali u solidali, minħabba l-kontribut li jagħtu lill-attività ekonomika u lill-aspetti soċjali fiż-żoni żvantaġġati, għandhom jiġu trattati b’mod differenti, indipendentement mill-problemi tat-territorji, u jagħmlu parti minn qafas speċifiku bħala parti mill-estensjoni tal-gwida dwar l-innovazzjoni soċjali li għandha tipproponi l-Kummissjoni Ewropea;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni

18.

jemmen li filwaqt li t-Trattati jagħtu kompetenza esklużiva lill-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tat-tfassil tar-regoli marbutin mal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat, l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni, kif jindika l-isem stess, hija għodda għas-servizz tal-iżvilupp tat-territorji. Għaldaqstant, il-Kumitat tar-Reġjuni jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea ma kkonsultatux meta xerrdet l-ewwel proġetti fost l-Istati Membri, u jqis li huwa essenzjali li jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar suġġetti li għandhom konsegwenzi territorjali daqstant importanti. Il-Kumitat tar-Reġjuni jappella lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet u t-tħassib li jinsabu f’din l-Opinjoni waqt li tkun qed tfassal il-linji gwida futuri tagħha;

19.

barra minn hekk, ifakkar li l-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom il-kompetenzi fil-qasam tal-iżvilupp ekonomiku permezz ta’ politiki ekonomiċi u r-rwol ta’ appoġġ li jaqdu fil-konfront tal-intrapriżi, huma kapaċi jivvalutaw l-impatt tal-miżuri li jittieħdu fil-livell Ewropew minħabba l-għarfien tagħhom tan-nisġa ekonomika lokali u tal-fatt li huma jinsabu qrib l-atturi ekonomiċi u soċjali. Minħabba li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ftit għandhom mezzi biex jikkontestaw id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kumitat tar-Reġjuni jqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tinvolvihom mill-bidu nett tal-proċess tat-tfassil tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni;

20.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni Ewropea fl-14 ta’ Jannar 2013 biex titħejja r-reviżjoni tal-linji gwida l-ġodda għall-perjodu 2014-2020. Din il-konsultazzjoni pubblika għandha, b’mod partikolari, tippermetti l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod li jiġi assigurat li r-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tat-territorji u tar-reġjuni Ewropej u b’hekk isiru aktar trasparenti, liema ħaġa twassal għat-titjib tas-sigurtà ġuridika tal-kontributuri u l-benefiċjarji, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli;

21.

iqis li jrid jinstab bilanċ bejn l-istabbiliment ta’ regoli tal-kompetizzjoni Ewropej, neċessarji għall-funzjonament tas-suq intern, u l-valutazzjoni tal-effett reali fuq dan is-suq intern innifsu tal-għajnuniet stabbiliti fil-livell sottonazzjonali;

22.

barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-fatt li hemm diversi awtoritajiet lokali u reġjonali li matul il-kriżi stabbilixxew pjani ta’ rkupru u ħolqu skemi ta’ għajnuna li, biex ikunu effikaċi ekonomikament, għandhom ikunu kkoordinati mal-għajnuniet mill-Istat awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea u b’mod partikolari mal-għajnuniet mill-Istat għar-reġjuni sabiex dawn jibqgħu pertinenti;

23.

jappella biex id-definizzjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni ssir f’livell pertinenti u jqis li l-livell nazzjonali jkun jaqbillu jekk iserraħ fuq sħubija territorjali li tgħaqqad lill-awtoritajiet sottonazzjonali kollha għat-tfassil u l-adattament tal-qsim skont iż-żoni;

Ir-regoli dwar il-qsim tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni skont iż-żoni

24.

iqis li l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni hija mezz għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri biex jegħlbu l-effetti fit-tul tal-kriżi billi jappoġġjaw id-dinamiċi ekonomiċi tat-territorji li jinsabu f’diffikultà, u għaldaqstant jirrifjuta t-tnaqqis tal-kapaċitajiet ta’ intervent pubbliku fuq l-intrapriżi li jirrappreżentaw wieħed mill-ewwel vetturi ta’ żvilupp ekonomiku u ta’ ħolqien ta’ impjiegi fit-territorji;

25.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea tintegra l-effetti tal-kriżi billi żżid, minn naħa, il-livelli massimi tar-rati għall-għajnuna u, min-naħa l-oħra, il-persentaġġ tal-popolazzjoni kopert minn din ix-xorta ta’ għajnuna b’konformità mal-istimi li l-Kummissjoni stess kienet iddikjarat fil-qafas tal-linji gwida għall-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni għall-perjodu 2007-2013 (45,5 % għall-UE-27, ara nota 15, 2006/C 54/08);

26.

jesprimi l-appoġġ tiegħu għaż-żamma tal-qsim skont iż-żoni bilanċjat tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni għall-perjodu 2014-2020 sabiex jiġu evitati differenzi kbar ħafna bejn ir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari ż-żoni koperti mill-Artikolu 107(3)(a) u dawk koperti mill-Artikolu 107(3)(c) sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ rilokazzjoni interna fl-Unjoni Ewropea;

27.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tipprevedi miżura ta’ tranżizzjoni permezz ta’ xibka ta’ sigurtà sabiex jiġi evitat li t-territorji li setgħu jirrikorru għal dan it-tip ta’ għajnuna fil-perjodu preċedenti iżda li mhux ser jissodisfaw il-kriterji tal-linji gwida li jmiss, joħorġu b’mod aħrax mis-sistema tal-qsim skont iż-żoni;

jinnota li fil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprevedi dispożizzjonijiet partikolari għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja gravi u li jirċievu l-għajnuna mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja, sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-politiki ekonomiċi kollha tal-Unjoni Ewropea;

28.

jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jkun possibbli li jiġu kkunsidrati r-reġjuni qrib iż-żoni koperti mill-Artikolu 107(3)(a) fil-kategorija taż-żoni koperti mill-Artikolu 107(3)(c);

29.

jinnota li l-qsim skont iż-żoni tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni huwa marbut mad-distinzjoni li ssir fi ħdan il-politika ta’ koeżjoni bejn ir-reġjuni ta’ konverġenza (PDG ta’ inqas minn 75 %) u r-reġjuni ta’ kompetittività (PDG ta’ aktar minn 75 %). Dwar il-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, u speċjalment il-ħolqien ta’ kategorija ġdida ta’ reġjuni fi tranżizzjoni li l-PDG tagħhom huwa bejn 75 % u 90 %, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li r-riforma tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni tiġi armonizzata mal-ħolqien ta’ din il-kategorija ġdida u jipproponi sistema semplifikata li fiha r-reġjuni kollha fi tranżizzjoni jitqiesu li jagħmlu parti miż-żoni predefiniti koperti mill-Artikolu 107(3)(c). Il-Kumitat tar-Reġjuni jiddispjaċih li fl-abbozz tal-Kummissjoni Ewropea ppreżentat fl-14 ta’ Jannar 2013, huma biss ir-reġjuni fi tranżizzjoni minn żoni kkonċernati mill-Artikolu 107(3)(a) li jitqiesu bħala żoni predefiniti koperti mill-Artikolu 107(3)(c). Għaldaqstant jappella lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-abbozz tagħha b’mod li tassigura koerenza mal-abbozz ta’ regolament ġenerali dwar il-fondi strutturali u tevita kull trattament inugwali bejn ir-reġjuni li jinsabu fl-istess kategorija u li għandhom diffikultajiet ekonomiċi simili;

30.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fuq is-sitwazzjoni speċifika, rikonoxxuta fl-Artikolu 107(3)(a), li jinsabu fiha r-reġjuni ultraperiferiċi u jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ approċċ aktar flessibbli u adattat għall-karatteristiċi tagħhom. Il-Kumitat tar-Reġjuni iqis li dawn ir-reġjuni, minħabba li jinsabu ’l bogħod mis-suq intern tal-Unjoni Ewropea u li jinsabu qrib ta’ swieq oħra, għandhom ikunu jistgħu jkomplu jallokaw għajnuniet għall-funzjonament tal-intrapriżi, għajnuniet li ma jonqsux fl-ammont u li mhumiex temporanji, u jistennew l-istess livell ta’ għajnuna li kien jingħatalhom tradizzjonalment. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-għajnuna għall-investiment, iqis li l-bonus favur ir-reġjuni ultraperiferiċi m’għandux jintmess, peress li s-sitwazzjoni li jinsabu fiha dawn ir-reġjuni ultraperiferiċi u li wasslet għall-għoti ta’ dan il-bonus hija strutturali u permanenti;

31.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tqis ukoll il-lista ta’ reġjuni b’“dispożizzjonijiet speċjali” li jiġu stabbiliti fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali biex tiġi assigurata konsistenza akbar bejn dawn id-dispożizzjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni u l-linji gwida;

32.

jistaqsi dwar il-pertinenza tal-indikaturi magħżulin mill-Kummissjoni Ewropea għat-tfassil tal-qsim skont iż-żoni tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni (PDG u rata tal-qgħad) u jipproponi li jkun hemm diskussjonijiet dwar metodi oħra biex jiġu awtorizzati u kkontrollati dawn l-għajnuniet. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti b’mod sħiħ f’dawn id-diskussjonijiet. Il-Kumitat tar-Reġjuni diġà ressaq xi proposti fl-Opinjoni tiegħu “Inkejlu l-progress lil hinn mill-PDG”;

33.

jissuġġerixxi b’mod speċjali li fil-kriterji tagħha dwar it-tfassil tal-qsim skont iż-żoni, il-Kummissjoni Ewropea tqis l-iżvantaġġi naturali, ġeografiċi u demografiċi ta’ ċerti reġjuni:

iż-żoni rurali,

iż-żoni fejn tkun qed isseħħ tranżizzjoni industrijali;

ir-reġjuni li jkollhom żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal:

ir-reġjuni b’densità tal-popolazzjoni baxxa jew baxxa ħafna, definiti fl-Artikolu 111(4) tal-proposta emendata tar-Regolament dwar il-Fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni,

ir-reġjuni insulari,

ir-reġjuni transkonfinali,

ir-reġjuni muntanjużi,

ir-reġjuni li jkunu qed jiffaċċjaw żbilanċi demografiċi bejn il-popolazzjoni żagħżugħa u dik anzjana, u l-popolazzjonijiet attivi u inattivi, minħabba l-emigrazzjoni taż-żgħażagħ u t-tixjiħ ġenerali tal-popolazzjoni tagħhom, ħaġa li tillimita l-possibbiltajiet ta’ żvilupp f’dawn ir-reġjuni;

34.

jinnota li l-kundizzjonijiet tal-qsim skont iż-żoni tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni dwar id-daqs minimu u l-kontinwità taż-żoni mhumiex adatti għaż-żoni rurali. Dawn ma jistgħux jibbenefikaw mit-trattament speċifiku mogħti għaż-żoni b’densità tal-popolazzjoni baxxa iżda xorta waħda ma jissodisfawx il-kriterji tal-livell ta’ popolazzjoni stabbiliti fit-testi. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li dawn il-kundizzjonijiet isiru aktar flessibbli biex iwieġbu għall-karatteristiċi speċifiċi tat-territorji rurali tal-Unjoni Ewropea, jew billi jitwaqqfu livelli ta’ popolazzjoni aktar pertinenti, inkella billi dawn iż-żewġ kriterji jiġu applikati b’mod alternattiv;

35.

jixtieq imur aktar lil hinn u jitlob li l-kriterji tal-qsim skont iż-żoni tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni jerġgħu jiġu diskussi, billi jippromovi approċċ aktar reġjonali li permezz tiegħu jkunu jistgħu jiġu mmirati aħjar l-ispeċifiċitajiet territorjali;

Rakkomandazzjonijiet għat-tfassil tal-linji gwida li ġejjin dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni fil-kuntest tal-kriżi

36.

fid-dawl tal-punti differenti li ssemmew qabel u b’mod partikolari l-kuntest ta’ kriżi ekonomika u soċjali, huwa jqis li l-iskema tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni, minħabba l-effetti pożittivi li tħalli fuq il-ħolqien tal-impjiegi u l-attività ekonomika, hija meħtieġa aktar minn qatt qabel; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprevedi reviżjoni ta’ nofs it-term tal-mapep reġjonali fl-2016;

37.

jinnota li fil-mod kif inhu miktub bħalissa, l-Artikolu 107(3)(a) tat-Trattat isemmi reġjuni “fejn ikun hemm stat serju ta’ nuqqas ta’ impjieg”. Il-Kumitat tar-Reġjuni jipproponi li jitqies ukoll il-kriterju tar-rata tal-qgħad meta jkunu qed jiġu stabbiliti ż-żoni koperti minn dan l-Artikolu flimkien mal-kriterju tal-PDG, minħabba li s-sitwazzjoni tal-impjiegi f’ħafna Stati Membri marret għall-agħar;

38.

iqis li l-metodu ta’ tqassim taż-żoni c) għandu juża l-medja Ewropea bħala referenza rigward il-kalkolu tal-kriterji ta’ tqabbil tal-PDG u tar-rata tal-qgħad. Dan jippermetti li jiġu riflessi aħjar id-differenzi ta’ żvilupp bejn l-Istati Membri u b’hekk issir enfasi fuq ir-reġjuni l-aktar fraġli fil-pajjiżi li jirreġistraw rata kbira ta’ qgħad u PDG aktar dgħajjef;

39.

iqis li r-restrizzjonijiet il-ġodda imposti fiż-żoni koperti mill-Artikolu 107(3)(c) fuq l-għajnuniet lill-intrapriżi l-kbar, fis-sens Komunitarju, mhumiex ġustifikati, u dan saħansitra aktar f’perjodu ta’ kriżi ekonomika. Il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f’din il-kategorija jidħlu mhux biss l-intrapriżi l-kbar li għandhom kapital internazzjonalizzat u swieq dinjin, iżda wkoll għadd kbir ta’ intrapriżi lokali u tal-familja li l-ħtiġijiet tagħhom tal-manodopera jaqbżu l-limitu fatidiku ta’ 250 impjegat. Dawn jinkludu wkoll intrapriżi żgħar b’bażi purament lokali li, b’riżultat tar-regoli Ewropej għall-konsolidazzjoni (6), jistgħu jaqbżu l-limitu tal-“intrapriżi l-kbar”. Jekk tneħħi kull possibbiltà ta’ appoġġ għaż-żoni koperti mill-Artikolu 107(3)(c), il-Kummissjoni Ewropea tkun qed tqiegħed theddida fuq l-impjiegi u l-attività ekonomika tar-reġjuni li l-aktar jinsabu f’diffikultà li qed isibuha diffiċli jżommu lil dawn it-tipi ta’ intrapriżi fit-territorju tagħhom;

40.

barra minn hekk, jinnota r-riskji ta’ rilokazzjoni, kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha, li qed jagħfsu fuq it-territorji minħabba l-projbizzjoni tal-għajnuniet għall-intrapriżi l-kbar, li jistgħu tassew jiddeċiedu li jitilqu miż-żoni koperti mill-Artikolu 107(3)(c) għaż-żoni koperti mill-Artikolu 107(3)(a) jew għal Stati li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea jekk il-livell u r-rata tal-għajnuna jonqsu;

41.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-klawsola ta’ salvagwardja proposta mill-Kummissjoni Ewropea fl-abbozz tagħha tal-14 ta’ Jannar 2013 li tikkonsisti f’li l-intrapriżi l-kbar jiġu obbligati jżommu l-investiment u l-impjiegi fit-territorju li fih ingħatat l-għajnuna għal perjodu ta’ 5 snin, u ta’ 3 snin fil-każ tal-SMEs;

42.

jissuġġerixxi li tiżdied klawsola ta’ rkupru totali tal-għajnuniet fuq il-mudell tal-Artikolu 57 tar-Regolament Ġenerali attwali dwar il-Fondi Strutturali. Dan l-irkupru jkun japplika tul il-ħames snin wara l-għoti ta’ dawn l-għajnuniet meta jintlaqtu n-natura jew il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni kofinanzjata, meta operazzjoni twassal għal vantaġġ inġust għal intrapriża jew għal korp pubbliku, meta sseħħ bidla fin-natura tal-proprjetà ta’ element tal-infrastruttura jew meta titwaqqaf attività ta’ produzzjoni.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li l-intrapriżi sottoposti jew li kienu sottoposti għal proċedura ta’ rkupru wara li l-attività ta’ produzzjoni tiċċaqlaq fi ħdan Stat Membru jew lejn Stat Membru ieħor ma jibbenefikawx minn kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali;

43.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ddaħħal mekkaniżmu li jqis ex ante l-effetti esterni negattivi li l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni tista’ toħloq fir-rigward ta’ telf kbir ta’ postijiet tax-xogħol f’siti li jinsabu diġà fit-territorju tal-UE, mhux biss fil-qafas tal-valutazzjoni komparattiva li l-Kummissjoni twettaq meta jkun hemm notifika u li llum hija riżervata biss għall-proġetti kbar ta’ investiment (2009/C 223/02, p. 54), iżda wkoll fil-qafas tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa;

44.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea twessa’ l-livell attwali tad-definizzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) biex l-iskema tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni tibqa’ tgħin lil intrapriżi li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-ħolqien ta’ tkabbir u ta’ impjiegi fuq it-territorji kkonċernati u biex tagħti sehemha fil-ħolqien ta’ intraprenditorija Ewropea b’saħħitha u strutturata, marbuta mat-territorji u li ma tistax tiġi rilokata, u li kapaċi twieġeb għall-isfidi tal-kompetittività, l-innovazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni, li huma għanijiet tal-Istrateġija 2020;

45.

jitlob lill-Kummissjoni biex toħloq, l-istess bħalma aċċettat li tagħmel għall-industriji agroalimentari, kategorija ġdida ta’ intrapriżi ta’ daqs medju li jkunu jimpjegaw bejn 250 u 750 impjegat, u li l-valur tal-bejgħ tagħhom huwa inqas minn EUR 200 miljun, li jkunu bejn SME u intrapriża kbira, sabiex jiġi megħjun l-iżvilupp tal-SMEs tagħna. Il-Kumitat tar-Reġjuni jappella wkoll biex tinbeda diskussjoni dwar kif għandhom jiġu kkunsidrati l-intrapriżi ta’ daqs intermedju li jkunu ħarġu minn SMEs li jkunu kibru, li jkollhom bejn 250 u 5 000 impjegat. Għalhekk huwa jipproponi li l-intrapriżi medji u intermedji jibbenefikaw minn rati ta’ appoġġ adattati, ogħla minn dawk għall-intrapriżi l-kbar u inqas minn dawk għall-SMEs;

46.

jinnota li biex jitqies l-aspett ċentrali tat-territorju fl-allokazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni, ir-regoli tal-konsolidazzjoni (7) m’għandhomx japplikaw għat-territorji eliġibbli għal dan it-tip ta’ għajnuna. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li l-intrapriżi għandhom jitqiesu bħala intrapriżi awtonomi, apparti l-intrapriżi relatati (linked enterprises) jew dawk imsieħba (partner enterprises);

47.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rati ta’ għajnuna proposti għaż-żoni tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni għall-perjodu 2014-2020 huma simili għar-rati ta’ għajnuna lill-SMEs li bħalissa huma previsti mir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (8), bir-riskju li titħassar il-karatteristika speċifika tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni. Il-Kumitat tar-Reġjuni għalhekk qed jitlob li almenu jinżammu r-rati ta’ għajnuna previsti fil-linji gwida tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni għall-perjodu 2007-2013, u jemmen ukoll li f’perjodu ta’ kriżi ekonomika dawn ir-rati jridu jiżdiedu;

48.

iqis li għandha tiġi prevista rata ogħla favur l-appoġġ lill-investimenti u l-impjiegi fil-kategorija l-ġdida tar-reġjuni fi tranżizzjoni, meta titqies is-sitwazzjoni tagħhom ta’ kollass tal-ekonomija;

49.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-intrapriżi li jinsabu f’żoni tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni jistgħu jirċievu għajnuna biss fuq parti mill-investiment li jkunu għamlu jew l-impjiegi li jkunu ħolqu, li tikkorrispondi għat-tkabbir tal-attivitajiet tal-intrapriża favur id-dinamika ekonomika tat-territorji. Il-Kumitat tar-Reġjuni jipproponi li negozji li jerġgħu jibdew (takeovers) u l-modernizzazzjoni tal-għodod tal-produzzjoni, li huma aktar komuni f’perjodi ta’ kriżi, isiru eliġibbli taħt il-linji gwida tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni;

50.

huwa kontra li jiħraxu r-regoli biex jintwera l-effett ta’ inċentiv li tipprovdi l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni allokata għall-proġetti ta’ investiment, indipendentement mill-importanza tagħhom jew mid-daqs tal-intrapriża li tkun qed twettaqhom. Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza li, fil-qasam tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni, l-aspett ta’ inċentiv tal-għajnuna huwa riżultat tas-sitwazzjoni diffiċli li qed jiffaċċjaw it-territorji megħjuna li fihom l-investiment ma kienx isir mingħajr l-għajnuna;

51.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li l-għajnuna tkun eliġibbli għall-intrapriżi tas-settur tal-bini tal-bastimenti, peress li s-sitwazzjoni tagħhom m’għadhiex tiġġustifika l-esklużjoni li kienet tħabbret fiż-żmien meta dawn is-setturi kienu għaddejjin minn kriżi serja ta’ kapaċità żejda;

Min-naħa l-oħra, il-Kumitat tar-Reġjuni ma jaqbilx mal-proposta tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuniet reġjonali lill-intrapriżi tas-setturi tal-azzar u tal-fibri sintetiċi bħala inkompatibbli mas-suq intern. Il-Kumitat tar-Reġjuni jinsisti fuq il-fatt li s-sitwazzjoni tagħhom m’għadhiex tiġġustifika l-esklużjoni li kienet tħabbret fiż-żmien meta dawn is-setturi kienu għaddejjin minn kriżi serja ta’ kapaċità żejda;

52.

iħeġġeġ it-twaqqif ta’ mekkaniżmu aktar flessibbli u li jkun kapaċi jadatta malajr għall-bidliet ekonomiċi, minflok ma ssir is-sempliċi reviżjoni li bħalissa ssir kull seba’ snin, li ma tippermettix li jiġu ffaċċjati sitwazzjonijiet ta’ kriżi mhux previsti li jistgħu jkunu ħżiena ħafna għan-nisġa ekonomika ta’ reġjun partikolari. Il-Kumitat tar-Reġjuni jipproponi pereżempju li tiġi stabbilita riserva ta’ popolazzjoni fil-livell reġjonali u terġa’ tiġi allokata skont il-bidliet ekonomiċi u bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet sottoreġjonali;

53.

jipproponi li ssir valutazzjoni globali tal-iskema tal-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni fil-livell Ewropew matul il-perjodu sabiex jiġi verifikat jekk hemmx effett deadweight jew ta’ rilokazzjoni interna fl-Unjoni Ewropea. Jekk dan ikun il-każ, għandhom jiġi kkunsidrati sanzjonijiet amministrattivi bħall-għoti lura tal-għajnuna.

Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  COM(2012) 209 final.

(2)  L-Artikolu 107(3)(a) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)  Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa skont il-kategorija tal-Kummissjoni Ewropea (800/2008) tas-6 ta’ Awwissu 2008.

(4)  B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(5)  L-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa.

(6)  Artikolu 3 tal-Anness tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa skont il-kategorija tal-Kummissjoni Ewropea (800/2008) tas-6 ta’ Awwissu 2008.

(7)  Anness 1 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa skont il-kategorija tal-Kummissjoni Ewropea (800/2008) tas-6 ta’ Awwissu 2008.

(8)  Artikolu 15 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa skont il-kategorija tal-Kummissjoni Ewropea (800/2008) tas-6 ta’ Awwissu 2008.


2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/64


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE fid-dawl tal-istrateġija Ewropa 2020”

2013/C 62/13

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ bi pjaċir ir-rieda tal-Kummissjoni li taħdem fi sħubija mar-reġjuni ultraperiferiċi, billi tapplika fihom b’mod sħiħ l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, filwaqt li tqis il-karatteristiċi u l-limitazzjonijiet speċjali tagħhom;

jenfasizza li, b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli, hemm bżonn li l-awtoritajiet reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi jkunu involuti aktar fit-tħejjija u t-twettiq tal-programmi u l-politiki Ewropej, sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi jkunu qed jitqiesu fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

jenfasizza li l-impjiegi huma mira ta’ prijorità għolja u parametru għall-interventi ewlenin l-oħra kollha tal-futur għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-reġjuni ultraperiferiċi u għaldaqstant jappella lill-UE tieħu miżuri prattiċi biex twettaq l-ass soċjali ġdid introdott mill-Komunikazzjoni tal-2012;

jenfasizza li l-miżuri kollha favur it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tar-reġjuni ultraperiferiċi jeħtieġ li jitwettqu fi sħubija, u li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jridu jaħdmu flimkien mill-qrib biex jimmassimizzaw il-potenzjal ta’ tkabbir tar-reġjuni ultraperiferiċi;

jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi minħabba l-pożizzjoni ġeografika unika tagħhom, u jsejjaħ għal sinerġija akbar bejn il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll għat-tneħħija tal-kriterju tal-150 km għall-fruntieri marittimi fil-kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi ġirien tagħhom.

Relatur

Is-Sur Malcolm MIFSUD (MT/PPE), Sindku tal-Pietà

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea: lejn sħubija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”

COM(2012) 287 final

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni - Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE fid-dawl tal-Istrateġija Ewropa 2020

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Daħla

1.

jilqa’ bi pjaċir li l-Kummissjoni qiegħda taħdem fi sħubija mar-reġjuni ultraperiferiċi (1), billi tapplika totalment għalihom l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, filwaqt li tqis il-karatteristiċi u l-limitazzjonijiet speċjali tagħhom, kif enfasizzat mill-Kunsill (2), iżda jenfasizza li jeħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jkunu jistgħu jipparteċipaw f’din l-istrateġija, inkella ser ikun impossibbli għalihom li jimplimentawha;

2.

jenfasizza l-bżonn li jinstab bilanċ bejn, fuq naħa dawk il-miżuri li jikkumpensaw il-limitazzjonijiet speċifiċi u permanenti tar-reġjuni ultraperiferiċi, u fuq in-naħa l-oħra dawk maħsubin biex jippromovu l-vantaġġi u l-opportunitajiet tagħhom;

3.

jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu adottati miżuri speċifiċi addizzjonali bil-għan li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-Trattati u l-politiki komuni f’dawk ir-reġjuni, kif stabbilit fl-Artikolu 349 tat-TFUE;

4.

jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li timplimenta politiki li jgħinu lir-reġjuni ultraperiferiċi biex isiru aktar indipendenti, aktar b’saħħithom ekonomikament u aktar kapaċi joħolqu impjiegi sostenibbli, billi jikkapitalizzaw fuq l-assi uniċi li għandu kull reġjun ultraperiferiku u fuq il-valur miżjud tagħhom għall-UE; iżda hemm bżonn assolut li din l-għajnuna tieħu l-forma ta’ miżuri konkreti u immaġinattivi mill-Kummisajoni Ewropea li jistgħu jilliberaw il-potenzjal sħiħ tal-Artikolu 349 tat-TFUE, pereżempju billi jiġu introdotti strumenti ad hoc;

5.

fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tiżgura li d-diversi dipartimenti tal-Kummissjoni jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2020 fir-reġjuni ultraperiferiċi u li taħdem mill-qrib mal-Konferenza tal-Presidenti tar-Reġjuni Ultraperiferiċi, gruppi ta’ esperti u l-grupp interservizzi maħluq apposta, sabiex jiġu applikati miżuri speċifiċi waqt l-ippjanar tal-istrateġiji ad hoc għall-iżvilupp, fost affarijiet oħra, ta’ opportunitajiet ta’ xogħol sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

6.

b’rabta ma’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kumitat tar-Reġjuni jissuġġerixxi li tingħata prijorità lill-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi, peress li r-riżorsi umani u l-esperti lokali huma l-ikbar xpruni potenzjali tat-tkabbir fir-reġjuni ultraperiferiċi;

7.

jappoġġja l-politika tal-Kummissjoni li tidentifika u tirrikonoxxi formalment l-opportunitajiet potenzjali u ġeografiċi li r-reġjuni ultraperiferiċi joffru bħala benefiċċju għall-UE kollha kemm hi;

8.

b’mod partikolari jenfasizza l-importanza li r-reġjuni ultraperiferiċi jkunu fruntieri attivi ta’ kooperazzjoni u ambaxxaturi tal-UE li jkunu jistgħu jestendu l-isfera ta’ influwenza soċjoekonomika u kulturali tal-UE u jitħeġġeġ aktar kummerċ u kondiviżjoni tal-għarfien mal-ġirien tar-reġjuni ultraperiferiċi u mal-pajjiżi terzi li magħhom jaqsmu rabtiet storiċi u kulturali b’saħħithom;

9.

b’mod ġenerali jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-UE tgawdi mir-relazzjonijiet mill-qrib tar-reġjuni ultraperiferiċi ma’ pajjiżi barranin u pajjiżi terzi bħalma huma l-pajjiżi emerġenti importanti (eż. il-Brażil jew l-Afrika t’Isfel);

L-IŻVILUPPI FL-ISTRATEĠIJA EWROPEA GĦAR-REĠJUNI ULTRAPERIFERIĊI

10.

jaqbel u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, apparti mil-limitazzjonijiet ġeografiċi u ekonomiċi li lkoll għandhom (il-fatt li jinsabu ’l bogħod, l-insularità, id-daqs żgħir, eċċ.), kull reġjun ultraperiferiku huwa differenti mill-oħrajn f’dawk li huma opportunitajiet, kif ukoll fl-isfidi li jħabbat wiċċu magħhom (3);

11.

jisħaq li ma jaqbilx ma’ approċċ potenzjali li jintroduċi rekwiżit ta’ pluraliżmu li jista’ jgħawweġ il-kunċett kollu ta’ sħubija u jfixkel id-djalogu meħtieġ biex jinkiseb il-kunsens fid-diversi stadji ta’ implimentazzjoni tal-programm;

12.

jappoġġja l-politika tal-Kummissjoni li ssib denominatur komuni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-reġjuni ultraperiferiċi kollha kemm huma, filwaqt li tagħmel distinzjoni wkoll bejn l-opportunitajiet u l-limiti li għandu kull reġjun ultraperiferiku individwali;

13.

jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni beħsiebha tadotta strateġija tal-UE mġedda għar-reġjuni ultraperiferiċi abbażi ta’ divrenzjar u speċjalizzazzjoni akbar bejn il-prodotti bħala fatturi ewlenin li kapaċi jsaħħu s-setturi tradizzjonali (bħall-biedja) u jidentifikaw u jiżviluppaw setturi emerġenti bbażati fuq l-assi uniċi u speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi;

14.

jirrikonoxxi u jenfasizza l-miżuri li ħadu r-reġjuni ultraperiferiċi nnifishom biex jimmodernizzaw u jiddeversifikaw l-ekonomiji tagħhom, u jagħti attenzjoni partikolari lill-kompetenzi tar-reġjuni biex jiddefinixxu l-għanijiet u l-istrateġiji tal-iżvilupp;

15.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li huwa partikolarment importanti li jintgħażlu azzjonijiet relatati mar-reġjuni ultraperiferiċi fi ħdan il-qafas tradizzjonali abbażi tat-tliet assi tradizzjonali  (4) li ġejjin: it-titjib tal-aċċessibbiltà, it-titjib tal-kompetittività, u l-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali fir-reġjuni ġirien;

16.

jiddispjaċih li d-definizzjoni ta’ dawn l-assi ma kinitx akkumpanjata minn miżuri konkreti u speċifiċi, b’mod partikolari rigward l-assi tal-aċċessibbiltà, li jagħmel parti fundamentali minn strateġija għall-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi u għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq uniku;

17.

jilqa’ bi pjaċir ukoll il-fatt li l-Kummissjoni tagħraf li l-proposti għall-ġejjieni tat-tkabbir tar-reġjuni ultraperiferiċi għandu jkollhom impatt pożittiv fuq il-ħames assi kollha tal-istrateġija mġedda (titjib tal-aċċessibbiltà, żieda fil-kompetittività, tisħiħ tal-integrazzjoni reġjonali, tisħiħ tad-dimensjoni soċjali, integrazzjoni tal-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha);

18.

għandu fidi ferma li l-assi soċjali l-ġdid, li huwa trasversali għall-assijiet l-oħrajn, ser ikollu riżorsi finanzjarji addizzjonali u l-istrumenti meħtieġa għall-ħolqien ta’ impjieg sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

19.

jinnota li fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u b’mod partikolari rigward il-kompetittività u l-integrazzjoni reġjonali, il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ ukoll attivitajiet territorjali speċifiċi biex tiżdied l-integrazzjoni Ewropea tagħhom biex ikunu involuti fl-istrateġiji futuri tal-UE;

20.

jenfasizza li, b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli, hemm bżonn li l-awtoritajiet reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi jkunu involuti aktar fit-tħejjija u t-twettiq tal-programmi u l-politiki Ewropej, sabiex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi jkunu qed jitqiesu fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

21.

jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi minħabba l-pożizzjoni ġeografika unika tagħhom, u jsejjaħ għal sinerġija akbar bejn il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll għat-tneħħija tal-kriterju tal-150 km għall-fruntieri marittimi fil-kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi ġirien tagħhom;

22.

jappoġġja l-inizjattivi għall-ħolqien ta’ ditti jew logos li jgħaqqdu l-UE/ir-reġjuni ultraperiferiċi biex jinċentivaw l-identifikazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-isfera soċjoekonomika u kulturali tal-UE u jikkontribwixxu għal integrazzjoni akbar fi ħdan il-viċinat immedjat u fis-Suq Uniku taħt il-bandiera tal-UE;

IL-PRINĊIPJI EWLENIN TAL-ISTRATEĠIJA MĠEDDA TAL-UE

23.

jagħraf l-importanza li tagħti l-Kummissjoni sabiex jitħeġġeġ qafas aġġornat u adattat għall-politika dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi fid-dawl tal-Istrateġija Ewropa 2020;

24.

madankollu jesprimi t-tħassib dwar il-fatt li għadd ta’ azzjonijiet meħtieġa b’rabta ma’ xi wħud mill-assi ewlenin (i.e. it-trasport u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda għat-titjib tal-aċċessibbiltà) ma tantx jistgħu jkunu bi spejjeż raġonevoli għar-reġjuni ultraperiferiċi u għaldaqstant jistgħu jeħtieġu appoġġ f’livell ogħla jew li dawn ikunu jippermettu sħubijiet privati u pubbliċi biex jinkisbu b’suċċess mingħajr ma l-ispejjeż għoljin jiġu riflessi fis-servizzi finali liċ-ċittadini;

25.

jippromovi l-iżvilupp u l-ottimizzazzjoni tal-ajruporti reġjonali eżistenti, permezz ta’ sħubijiet pubbliċi jew privati, bħala wieħed mill-istrumenti ewlenin għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-Unjoni Ewropea;

26.

madankollu, xorta waħda jaqbel li l-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-innovazzjoni f’setturi li potenzjalment jistgħu jikbru ħafna jistgħu jżidu l-opportunitajiet għar-reġjuni ultraperiferiċi appoġġjati mill-istituzzjonijiet tal-UE, minn atturi pubbliċi u privati jew minn partijiet interessati;

27.

jindika l-importanza u jħeġġeġ il-Kummissjoni trawwem b’mod partikolari l-modernizzazzjoni tal-flotot tas-sajd u l-infrastrutturi marittimi fir-reġjuni ultraperiferiċi, peress li r-riżorsi marittimi u tas-sajd huma fost l-aqwa riżorsi tar-reġjuni ultraperiferiċi li jikkontribwixxu biex jagħmlu divrenzjar tal-prodotti u biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jintegraw fis-suq uniku u jħeġġu wkoll it-tkabbir u l-kummerċ kompetittiv mal-viċinati tar-reġjuni ultraperiferiċi;

28.

jissuġġerixxi li, fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 imġedda favur it-tkabbir tar-reġjuni ultraperiferiċi, il-Kummissjoni tinċentivizza programmi u sħubijiet bejn l-Istati Membri tal-UE u r-reġjuni ultraperiferiċi, inklużi atturi privati attivi fl-oqsma pertinenti, għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet li fl-istess ħin ser jilħqu diversi għanijiet stabbiliti fl-assi differenti tal-Istrateġija mġedda tal-UE u li jħeġġu lir-reġjuni ultraperiferiċi jkunu parti mill-istrateġiji futuri tal-UE;

29.

fid-dawl ta’ dan, jaqbel b’mod partikolari mal-introduzzjoni u l-ħolqien tal-kundizzjonijiet għall-iżvilupp fir-reġjuni ultraperiferiċi ta’ internet b’“veloċità għolja” u ta’ teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni ġodda li għandhom itejbu wkoll l-aċċessibbiltà, jimmodernizzaw is-settur tat-turiżmu, iżidu l-attività ekonomika, isaħħu d-dimensjoni soċjali, iżidu l-kompetittività u jsaħħu l-konnessjonijiet bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-kontinent;

PROPOSTI GĦALL-FUTUR

Id-dimensjoni interna

30.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-Politika ta’ Koeżjoni hija l-istrument ewlieni tal-UE biex tilħaq l-għanijiet tal-Ewropa 2020, billi tipprovdi l-akbar konċentrazzjoni ta’ fondi ta’ investiment tal-UE għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir permezz ta’ strumenti permanenti li ser inaqqsu d-differenzi bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-bqija tal-UE, u b’hekk jikkontribwixxu biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jkunu iżjed allinjati mal-Unjoni;

31.

jemmen li huwa importanti li jiġi żgurat li hemm fondi sinifikanti disponibbli biex jissaħħaħ is-settur tal-SMEs biex jinħolqu u jinżammu l-impjiegi sostenibbli, biex tiġi appoġġjata l-innovazzjoni fl-usa’ sens tal-kelma, biex jiġu mħeġġa l-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji u tal-assi tar-reġjuni ultraperiferiċi, abbażi tal-għażliet strateġiċi ta’ kull wieħed minn dawn ir-reġjuni, u biex jiġi appoġġjati l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp ta’ provvista sostenibbli ta’ enerġija;

32.

jenfasizza u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li toffri trattament speċifiku lir-reġjuni ultraperiferiċi permezz ta’ rata ta’ kofinanzjament ta’ 85 % lir-reġjuni ultraperiferiċi ikun x’ikun il-PDG tagħhom u sabiex tgħinhom jużaw bl-aqwa mod possibbli l-fondi disponibbli;

33.

madankollu, b’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2012 (5), jirrakkomanda li jiġi estiż il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ dawn il-fondi fir-reġjuni ultraperiferiċi sabiex l-implimentazzjoni tkun aktar effettiva;

34.

jenfasizza li l-miżuri kollha favur it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tar-reġjuni ultraperiferiċi jeħtieġ li jitwettqu fi sħubija, u li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali jridu jaħdmu flimkien mill-qrib biex jimmassimizzaw il-potenzjal ta’ tkabbir tar-reġjuni ultraperiferiċi;

35.

jingħaqad mas-sejħa tal-Kummissjoni biex ir-rappreżentanti tar-reġjuni ultraperiferiċi jkunu involuti bis-sħiħ fit-tħejjija u l-monitoraġġ tal-ftehimiet ta’ sħubija li dwarhom irid jintlaħaq qbil bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membri għall-perjodu ta’ finanzjament li jmiss;

36.

madankollu jissuġġerixxi li rappreżentanti minn territorji oħra (li madankollu wkoll għandhom limiti u karatteristiċi simili) jistgħu jassistu wkoll, jekk ikun hemm bżonn, matul l-analiżijiet ex ante u l-valutazzjonijiet ex post tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali tal-Kummissjoni tal-UE, billi b’mod kostruttiv jiġu enfasizzati u mqabbla prattiki, politiki u soluzzjonijiet simili, u jinħolqu ideat ġodda abbażi tal-aħjar prattiki li jeżistu f’territorji simili oħra (iżda li mhumiex reġjuni ultraperiferiċi);

37.

jipproponi li jiġu stabbiliti u mwessgħin in-netwerks madwar l-Ewropa għall-appoġġ tar-riċerka ta’ kwalità għolja għall-benefiċċju tar-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex ir-riċerka fl-innovazzjoni tkun tista’ tikber u żżid l-involviment tal-benefiċjarji fi kwalunkwe qasam xjentifiku relatat: li jiġu attirati, żviluppati u jinżammu l-professjonisti tar-riċerka u dawk involuti fir-Riċerka, it-Teknoloġika, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (RTDI) biex jitjieb l-ambjent tar-riċerka u jiġu offruti opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

38.

jissuġġerixxi li jiġi inċentivat l-istabbiliment ta’ ċentri u laboratorji ad hoc fir-reġjuni ultraperiferiċi u madwar l-UE kollha għat-tixrid ta’ riżultati ta’ riċerka, tal-aħjar prattiki u tal-każijiet ta’ suċċess marbutin mar-reġjuni ultraperiferiċi, bil-għan li jinħolqu sorsi ġodda u mwessa’ ta’ ideat u kontributuri tal-prattiki, biex tiżdied il-kooperazzjoni mill-qrib bejn, minn naħa, l-Istati Membri u r-reġjuni ultraperiferiċi, u min-naħa l-oħra l-bqija tal-UE, biex b’hekk jiġu offruti opportunitajiet ta’ xogħol sostenibbli ġodda fir-reġjuni ultraperiferiċi;

39.

jirrakkomanda li jiġu implimentati proġetti, programmi ta’ mobbiltà u attivitajiet ta’ koeżjoni tal-UE speċifiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi biex tiżdied il-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi u biex jiġi promoss it-taħriġ professjonali ta’ riżorsi umani lokali dwar l-importanza tal-proċess parteċipattiv bejn l-atturi pubbliċi u privati tas-soċjetà ċivili tar-reġjuni ultraperiferiċi, billi jiġi enfasizzat li huwa biss jekk jgħaqqdu l-punti qawwijin tagħhom li ser jirnexxilhom jilħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 lejn it-tkabbir sostenibbli u inklużiv tar-reġjuni ultraperiferiċi;

40.

jipproponi li r-riżultat tat-taħriġ imsemmi hawn fuq wara jsir ukoll opportunità ta’ xogħol fir-reġjuni ultraperiferiċi, billi jikkontribwixxi għal aktar tixrid tal-Istrateġija mġedda tal-UE u għall-kampanji ta’ informazzjoni dwarha, bil-għan li tiġi stabbilita sħubija intelliġenti fir-reġjuni ultraperiferiċi u sseħħ l-implimentazzjoni tal-programmi relatati;

41.

jirrakkomanda li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi mhux imsieħba fl-UE fil-qasam tal-innovazzjoni u l-clusters, kif ukoll li tiġi promossa l-kooperazzjoni reġjonali bil-għan li tingħata spinta lill-investiment u t-turiżmu lil hinn mill-UE. Dawn il-miżuri jistgħu fil-fatt jirrappreżentaw pass effettiv lejn il-kisba tal-għanijiet tal-Ewropa 2020;

42.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jinżamm il-programm ta’ għajnuna għall-agrikoltura POSEI peress li dan huwa l-istess bħall-ewwel pilastru tal-PAK għal dawn ir-reġjuni, hekk kif huwa strument prinċipali sabiex tinżamm u tiġi żviluppata l-agrikoltura tar-reġjuni ultraperiferiċi. Fl-istess waqt jappoġġja ż-żamma tal-hekk imsejjaħ “POSEI tas-sajd”, peress li din l-iskema ta’ kumpens tal-ispejjeż addizzjonali hija strument essenzjali sabiex il-prodotti tas-sajd u l-agrikoltura jiġu kkumerċjalizzati barra r-reġjuni ultraperiferiċi;

43.

jenfasizza f’dan il-kuntest li huwa importanti li titwettaq analiżi tal-impatt tal-ftehimiet internazzjonali li jolqtu l-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi sabiex tiġi evitata li ssir ħsara f’ekonomiji li diġà huma vulnerabbli ħafna;

44.

jenfasizza li hemm bżonn li tiġi kkonsolidata wkoll il-politika marittima integrata, peress li r-riżorsi marittimi huma wieħed mill-pilastri ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-reġjuni ultraperiferiċi;

45.

jenfasizza l-importanza tar-riżorsi marittimi u tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tħeġġeġ il-modernizzazzjoni tal-flotot tas-sajd, inkluża l-introduzzjoni mill-ġdid tal-għajnuna għall-kostruzzjoni għall-perjodu li jmiss 2014-2020, u tal-infrastrutturi marittimi fir-reġjuni ultraperiferiċi;

46.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tħeġġeġ li jkompli t-tkabbir fit-turiżmu sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi, b’mod partikolari dak ta’ setturi emerġenti speċjalizzati, kif ukoll l-iżvilupp ta’ xpruni potenzjali tat-tkabbir f’dawn ir-reġjuni (inklużi iżda mhux biss, ir-riżorsi tal-baħar, it-turiżmu sostenibbli, il-bijodiversità u l-kostruzzjoni ekoloġika) permezz tal-applikazzjoni tal-RTDI (Riċerka, Żvilupp, Teknoloġija, Innovazzjoni) sabiex jippromovu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u negozju li, fost affarijiet oħra, għandhom inaqqsu r-riskju ta’ eżodu ta’ mħuħ, kif ukoll jikkontribwixxu għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u għall-enerġiji rinnovabbli;

47.

jenfasizza l-ħtieġa li s-sistemi tat-taħriġ u l-edukazzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi jiġu apoġġjati; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-programmi attwali tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ, speċjalment dawk tal-mobbiltà, jirriflettu l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi;

48.

jenfasizza li r-reviżjoni li jmiss tal-oqsfa Ewropej relatati mal-għajnuna mill-Istat għandha tqis il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, u li hemm bżonn li jkun hemm aktar flessibbiltà, semplifikazzjoni u konsistenza fl-azzjonijiet favur l-intrapriżi tar-reġjuni ultraperiferiċi;

49.

jissuġġerixxi li għandha tingħata prijorità sabiex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet favur it-titjib, il-modernizzazzjoni u r-ristrutturar tas-sistemi tas-saħħa u tal-edukazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi permezz ta’ sħubijiet bejn partijiet interessati pubbliċi u privati;

Id-dimensjoni esterna

50.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-pożizzjoni ġeografika tar-reġjuni ultraperiferiċi hija ta’ benefiċċju għall-UE kollha kemm hi u li l-iżvilupp tal-potenzjal tagħhom u l-integrazzjoni totali tagħhom fis-Suq Uniku hija opportunità importanti biex l-UE tgawdi mill-valur miżjud li dawn ir-reġjuni jirrappreżentaw, filwaqt li jitkompla jiġi żgurat trattament divrenzjat li jikkonforma mal-prinċipji tal-opportunitajiet indaqs u tal-proporzjonalità, u l-bilanċ bejn din id-dimensjoni interna u integrazzjoni aħjar fl-ambjent ġeografiku proprju tagħhom;

51.

jipproponi li jiġu valutati dawk il-prodotti ġodda (abbażi ta’ domanda tas-suq immirata kif ukoll fi ħdan il-viċinat reġjonali tagħhom stess) li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinċentivizza l-produzzjoni tagħhom fir-reġjun ultraperiferiku kkonċernat, sabiex jitrawwem aktar kummerċ u kondiviżjoni tal-għarfien mal-ġirien tar-reġjuni ultraperiferiċi u ma’ pajjiżi terzi, bħalma huma pajjiżi emerġenti importanti (i.e. il-Brażil jew l-Afrika t’Isfel), u jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjiegi sostenibbli;

52.

jixtieq jindika l-opportunitajiet li jġib miegħu s-suġġeriment t’hawn fuq kemm għar-reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll għall-UE: dan ifisser opportunitajiet ġodda f’termini ta’ trasport marittimu, opportunitajiet ta’ xogħol marbutin ma’ dan, l-iżvilupp tal-industrija tat-trasport fil-baċiri tal-baħar, u l-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport u r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u s-swieq internazzjonali emerġenti;

53.

jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn li r-reġjuni ultraperiferiċi jinbidlu minn pjattaformi potenzjali għan-negozju u għall-kooperazzjoni għal ambaxxaturi tal-UE strateġiċi reali fl-Atlantiku, il-Karibew u l-Oċean Indjan, billi jiġi sfruttat il-potenzjal ġenwin tagħhom u tiġi estiża l-influwenza Ewropea fiż-żoni rispettivi tagħhom għall-benefiċċju tal-UE kollha kemm hi; għal dan il-għan jappella lill-Unjoni sabiex tadotta miżuri speċifiċi li jippromovu konnessjonijiet adegwati bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi terzi ġirien;

54.

jenfasizza l-vantaġġ tar-reġjuni ultraperiferiċi minħabba li jinsabu qrib pajjiżi terzi u territorji ġirien, f’dawk li huma opportunitajiet offruti mill-kummerċ reġjonali u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp tad-dimensjoni esterna tas-suq uniku;

55.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid ukoll l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fiż-żoni ġeografiċi rispettivi tagħhom f’termini ta’ kummerċ, żvilupp tal-industrija tal-ispazju u l-assi uniċi oħra tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll għall-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi, filwaqt li jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ impjiegi sostenibbli;

56.

fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, jisħaq fuq il-ħtieġa li fil-pjani ta’ azzjoni futuri tal-istrateġija mġedda għar-reġjuni ultraperiferiċi, jiġu adottati ż-żewġ approċċi: it-titjib tal-aċċessibbiltà għas-suq uniku fuq naħa, u l-iffaċilitar tas-suq reġjonali integrat fuq in-naħa l-oħra;

57.

jilqa’ bi pjaċir l-impenn tal-Kummissjoni li tqis u tadatta għar-reġjuni ultraperiferiċi dawk l-azzjonijiet imsemmija fil-Komunikazzjoni tagħha “Negozju Żgħir, Dinja Kbira” (6) għall-iżvilupp tal-SMEs li joperaw internazzjonalment, pereżempju permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, li jitfasslu b’mod li jippromovu l-internalizzazzjoni tal-SMEs tar-reġjuni ultraperiferiċi. Jagħraf ir-rwol tal-fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea bħala sors importanti ta’ ffinanzjar għall-SMEs bħala tali u jappoġġja l-fatt li l-SMEs ikollhom aċċess aktar faċli għall-proċeduri ta’ akkwist pubbliku;

Konklużjonijiet

58.

jagħraf l-impenn kontinwu li qed jirnexxi tal-istituzzjonijiet tal-UE lejn tkabbir sostenibbli u inklużiv tar-reġjuni ultraperiferiċi u jinsisti fuq il-bżonn li tiżdied is-sħubija bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni ultraperiferiċi, inklużi l-atturi u l-partijiet interessati ewlenin l-oħra kollha (pubbliċi u privati) li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni ultraperiferiċi;

59.

jenfasizza li l-impjiegi huma mira ta’ prijorità għolja u li huma parametru għall-interventi ewlenin l-oħra kollha għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 fir-reġjuni ultraperiferiċi; għalhekk jappella lill-UE sabiex tfassal, permezz ta’ miżuri konkreti, l-objettivi tal-assi soċjali l-ġdid stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-2012, peress li l-Kummissjoni mhux qed tagħmel dan iżda tirreferi biss għall-programmi ġenerali ta’ finanzjament mingħajr modulazzjoni adegwata;

60.

jappoġġja l-inizjattiva tar-reġjuni ultraperiferiċi li jfasslu pjan speċifiku dwar l-impjieg u t-tkabbir għal dawn ir-reġjuni, li għandu jiġi vvalutat iżjed fil-fond f’dak li jirrigwarda l-fattibbiltà u l-implimentazzjoni tiegħu;

61.

jissuġġerixxi u jipproponi xi eżempji konkreti biex jiżdiedu jew jinħolqu opportunitajiet ta’ xogħol ġodda fir-reġjuni ultraperiferiċi;

62.

jisħaq ukoll li għandha tingħata prijorità lis-sistema tas-saħħa, it-taħriġ u l-edukazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi sabiex jiġu ottimizzati r-riżorsi umani u l-esperti lokali bħala l-ikbar xpruni potenzjali tat-tkabbir fir-reġjuni ultraperiferiċi;

63.

fid-dawl tal-importanza tal-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi, jindika l-importanza u jħeġġeġ lill-Kummissjoni trawwem b’mod partikolari l-modernizzazzjoni tal-flotot tas-sajd u l-infrastrutturi marittimi fir-reġjuni ultraperiferiċi, peress li r-riżorsi marittimi u tas-sajd huma fost l-aqwa riżorsi tar-reġjuni ultraperiferiċi, li jikkontribwixxu lejn id-divrenzjar tal-prodotti u biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jintegraw fis-suq uniku u jħeġġu wkoll it-tkabbir u l-kummerċ kompetittiv mal-viċinati tar-reġjuni ultraperiferiċi;

64.

jenfasizza li interventi kruċjali bħal dawn jistgħu jipprovdu opportunitajiet ġodda kemm għar-reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll għall-UE f’termini ta’ trasport marittimu, opportunitajiet ta’ xogħol marbutin ma’ dan, l-iżvilupp tal-industrija tat-trasport fil-baċiri tal-baħar, u l-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport u r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u s-swieq internazzjonali emerġenti;

65.

flimkien mal-Parlament Ewropew, jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit qafas ad hoc għat-trasport u l-ICT bil-għan li r-reġjuni ultraperiferiċi jkunu jistgħu jindirizzaw b’mod effiċjenti l-problema tas-separazzjoni territorjali u d-distakk diġitali li jiffaċċjaw;

66.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid ukoll l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fiż-żoni ġeografiċi rispettivi tagħhom f’termini tal-kummerċ u l-iżvilupp tal-assi uniċi tar-reġjuni ultraperiferiċi għall-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tagħhom lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

67.

jenfasizza l-importanza tat-tneħħija tal-kriterju tal-150 km għall-fruntieri marittimi fil-kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi ġirien tagħhom, li jirrifletti li ħafna mir-reġjuni ultraperiferiċi huma gżejjer li jinsabu aktar ’il bogħod minn 150 km mill-pajjiżi ġirien tagħhom;

68.

jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni reġjonali għar-reġjuni ultraperiferiċi, li teħtieġ mhux biss it-tkomplija ta’ programmi ta’ kooperazzjoni territorjali taħt il-FEŻR, iżda wkoll sinerġija aħjar bejn il-fondi ta’ politika ta’ koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp;

69.

fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kumitat jisħaq fuq il-ħtieġa li fil-pjani ta’ azzjoni futuri tal-istrateġija mġedda għar-reġjuni ultraperiferiċi, jiġu adottati ż-żewġ approċċi: it-titjib tal-aċċessibbiltà għas-suq uniku fuq naħa, u l-iffaċilitar tas-suq reġjonali integrat fuq in-naħa l-oħra.

Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  It-3023 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, tal-14 ta’ Ġunju 2010.

(2)  Artikoli 349 u 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) kif emendat mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-29.10.2010.

(3)  Studju bl-isem ta’ “Growth Factors in the OR” (Fatturi ta’ Tkabbir fir-Reġjuni Ultraperiferiċi), imwettaq minn Ismeri Europa f’kooperazzjoni ma’ ITD-EU, ikkummissjonat mill-Kummissjoni fl-2009, u mressaq f’Marzu 2011.

(4)  COM(2004) 343 final, 26.5.2004; COM(2004) 543 final, 6.8.2004

(5)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2012 dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020 (2011/2195(INI)).

(6)  COM(2011) 702 final, 9.11.2011.


2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/70


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni tat-tkabbir u t-tisħiħ tal-ħolqien ta’ impjiegi”

2013/C 62/14

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma sikwit fil-biċċa l-kbira responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki fir-rigward l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Għaldaqstant, id-dimensjoni territorjali ta’ dawn il-politiki hija ta’ importanza kbira u jiddispjaċih li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ma tinkludix referenza speċifika għall-kompetenzi tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali;

jilqa’ l-miżuri inklużi fil-“Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi”. Il-Kumitat tar-Reġjuni jinsisti fuq ir-rabta bejn dan il-Patt u l-programmi li jiġġeneraw it-tkabbir li jinsabu fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, b’mod speċjali taħt it-titolu 1 – “tkabbir sostenibbli”;

iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom, b’attenzjoni partikolari għall-kwistjoni tal-flessigurtà, li hija sfida kbira għas-suq tax-xogħol Ewropew;

jaħseb li huwa importanti li jitħeġġu tipi ta’ impjieg indipendenti u intraprenditorija indipendenti, b’attenzjoni partikolari għall-istart-ups taż-żgħażagħ. Dan jista’ jippermetti li jintużaw b’iżjed effiċjenza riżorsi li inkella jintefqu b’mod mhux produttiv (l-ispejjeż ta’ qabel il-pensjoni jew is-sussidji tal-qgħad);

jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti iżjed mill-qrib meta jiġu definiti l-politiki favur inċentivi ta’ “impjiegi ekoloġiċi” fi ħdan il-pjani nazzjonali għall-impjieg;

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jittejjeb l-EURES, anke billi jiġi introdott servizz “Match and Map” li jgħin biex ikun hemm stampa ġeografika ċara tal-proposti. F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifakkar fir-rwol nazzjonali u reġjonali tal-iskemi tal-aġenziji tax-xogħol u jissuġġerixxi integrazzjoni akbar man-netwerk EEN, ir-reġjuni u l-Kmamar tal-Kummerċ.

Relatur

Is-Sinjura COPPOLA (IT/PPE), Assessur u membru tal-Kunsill Reġjonali tal-Veneto

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi

COM(2012) 173 final

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Ir-Rwol tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fil-promozzjoni tat-tkabbir u t-tisħiħ tal-ħolqien ta’ impjiegi

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” u jfakkar li l-livell massimu ta’ impjiegi u l-koeżjoni soċjali huma għanijiet stipulati fit-TFUE u li għandhom jiġu segwiti b’rispett għall-prinċipju tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà (Artikoli 3, 4, 5, 6 u 9 tat-TFUE). Iqis il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bħala att politiku u jkun tajjeb li jsir segwitu permezz ta’ inizjattivi leġislattivi konkreti min-naħa tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

2.

jirrimarka li l-Komunikazzjoni tenfasizza l-bżonn ta’ riformi strutturali fil-livell nazzjonali, essenzjalment sabiex jiġu liberalizzati s-swieq tas-servizzi u tax-xogħol, u jaqbel mal-bżonn li jsiru dawn ir-riformi, iżda jixtieq li tressqu proposti iżjed konkreti fir-rigward tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika;

3.

jirrepeti t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tintegra l-Artikolu 9 tat-TFUE dwar il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjieg, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali fil-proposti kollha tagħha, u b’mod partikolari f’dawk li ser jimplimentaw il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”;

4.

jappoġġja bil-qawwa l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-istrumenti tagħha (bħall-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma) u jappoġġja l-impenn li jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-impjieg, u jitlob lill-Istati Membri jkomplu fit-triq tat-tkabbir u l-innovazzjoni definita fiha;

5.

madankollu, huwa mħasseb dwar il-fatt li, f’dawn l-aħħar snin, id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn l-Istati Membri (u bejn diversi reġjuni) minflok jonqsu qed jikbru;

6.

jenfasizza li, biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija Ewropea għall-impjieg, huwa tajjeb li tiġi kkunsidrata d-dimensjoni territorjali, billi l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jżommu biżżejjed flessibbiltà biex jistabbilixxu l-prijoritajiet proprji tagħhom u jfasslu t-tweġibiet politiċi adegwati. L-użu korrett tal-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni jista’ jagħti kontribut importanti wkoll. Għal dan il-għan, approċċ ta’ governanza f’diversi livelli, li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, b’mod partikolari fit-tfassil tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, huwa ċertament l-aħjar mod biex jiġu ssodisfati l-esiġenzi lokali u jintlaħqu b’mod iżjed effiċjenti l-għanijiet relatati mal-impjieg;

7.

huwa tal-fehma li l-isfidi attwali u futuri fil-qasam tal-impjieg mhumiex biss rigward il-qgħad fost iż-żgħażagħ iżda wkoll dak fost il-persuni ’l fuq minn 55 sena, il-persuni b’diżabbiltà, l-immigranti u fost in-nisa, kif ukoll iż-żieda fil-persuni qiegħda għat-tul. Għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn il-kategoriji li jikkostitwixxu kapital uman ta’ valur u esperjenza;

8.

ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma sikwit fil-biċċa l-kbira responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki fir-rigward l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Għaldaqstant, id-dimensjoni territorjali ta’ dawn il-politiki hija ta’ importanza kbira u jiddispjaċih li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ma tinkludix referenza speċifika għall-kompetenzi tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali;

9.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jiġġieldu u jtemmu l-prattika dannuża tad-dumping soċjali u tax-xogħol irregolari, marbut ukoll ma’ tipi ta’ sfruttament tal-immigrazzjoni illegali;

10.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiffavorixxi l-kompetittività tal-industrija u tas-servizzi Ewropej, billi ssaħħaħ il-governanza ekonomika tal-Unjoni, sabiex jiġi evitat li nerġgħu lura għal politiki ta’ protezzjoniżmu;

Il-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta’ Ġunju 2012, “Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi”

11.

jinsab sodisfatt li t-tkabbir u l-impjiegi kienu temi ċentrali tul il-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta’ Ġunju 2012, u li tul is-summit ġie rikonoxxut il-bżonn li jiġu implimentati strumenti u politiki f’kull livell ta’ gvern fl-Unjoni Ewropea, sabiex jinħoloq l-impjieg u t-tkabbir;

12.

jenfasizza li l-konsolidazzjoni tal-baġits tal-Istati Membri mhijiex objettiv fiha innifsha. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jintalbu jikkontribwixxu b’mod bilanċjat, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u mingħajr ma jiġi kompromess it-tkabbir ekonomiku tagħhom u l-koeżjoni territorjali u soċjali;

13.

jilqa’ b’mod ġeneralment favorevoli l-miżuri indirizzati lill-Istati Membri u l-miżuri fil-livell tal-Unjoni Ewropea inklużi fil-“Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi”. Il-Kumitat tar-Reġjuni jinsisti fuq ir-rabta bejn dan il-Patt u l-programmi li jiġġeneraw it-tkabbir li jinsabu fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, b’mod speċjali taħt it-titolu 1 – “tkabbir sostenibbli”. L-Itati Membri li ffirmaw il-Patt issa jridu jadottaw pożizzjoni koerenti fin-negozjati dwar il-QFP. B’mod partikolari, f’dak li għandhom x’jaqsmu l-miżuri Ewropej miftiehma fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza speċifikament il-ħtieġa li jissaħħaħ is-suq uniku, titnaqqas il-kumplessità tan-normi, li jiġi mobilizzat il-BEI u li tinbeda malajr il-fażi pilota tal-Bond għall-finanzjament tal-Proġetti sabiex jiġu ffinanzjati miżuri rapidi favur it-tkabbir. Huwa importanti ħafna li tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni matul il-fażi pilota u l-proġetti li ma jkunux fattibbli mil-lat kummerċjali. Dan l-istrument m’għandux jieħu post il-kapital mill-Istati Membri, mill-korpi lokali u reġjonali jew il-kapital privat. Id-deċiżjoni dwar it-tkomplija tal-proġett wara l-fażi pilota għandha tittieħed biss wara li ssir valutazzjoni indipendenti. F’dawn il-valutazzjonijiet, huwa importanti li jitqies jekk il-proġetti magħżula ħolqux valur miżjud għall-Unjoni;

14.

fir-rigward tal-introduzzjoni tal-iskema tal-Bond għall-finanzjament ta’ Proġetti għall-finanzjament tal-infrastrutturi strateġiċi, ifakkar fl-opinjoni li diġà esprima dwar “Il-Faċilità “Nikkollegaw l-Ewropa” ” (1), fejn irrakkomanda l-inklużjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proġetti TEN, sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji għaċ-ċittadini;

15.

madankollu jiddispjaċih li l-konklużjonijiet tal-Kunsill ma jiġux segwiti minn azzjonijiet rapidi min-naħa tal-Istati Membri kollha u li ma kinux iżjed inċiżivi biex jippromovu miżuri oħra favur it-tkabbir.

Appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi

16.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea biex jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-piż fiskali għan-negozji mingħajr ma jaffettwa l-baġit, iżda jnaqqas il-porzjon ta’ taxxa favur forom oħra ta’ dħul (pereżempju taxxi ekoloġiċi);

17.

ifakkar fl-importanza, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriżi ekonomika, li jiġu kkonċentrati l-isforzi mhux biss sabiex jinħolqu impjiegi ġodda u jitħeġġeġ it-tibdil strutturali, iżda l-iżjed sabiex jinżammu dawk li diġà jeżistu;

18.

jipproponi użu, koordinazzjoni u interoperabbiltà aħjar tal-istrumenti disponibbli fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u f’dak tal-Kmamar tal-Kummerċ (b’mod partikolari, jitlob għall-użu mhux biss tal-FSE iżda wkoll tal-FEŻR) biex jiġu appoġġjati l-impjieg indipendenti, l-intrapriżi soċjali, skemi li jalternaw bejn it-taħriġ u x-xogħol u l-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda. Koordinazzjoni ikbar tiżgura li l-istrumenti disponibbli jintużaw b’mod iktar effettiv;

19.

jaħseb li biex toħloq impjiegi fit-tul u ta’ kwalità għolja, aġenda Ewropea għat-tkabbir għandha tkun ibbażata fuq l-għan li tiġi implimentata strateġija reali għat-tiġdid industrijali fl-Ewropa, bl-involviment attiv tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha, kif ukoll politika industrijali b’saħħitha li tiffavorixxi l-kompetittività tal-SMEs (li jikkostitwixxu s-sinsla u l-istorja kulturali u l-produttività tal-ekonomija Ewropea) u lis-settur tas-servizzi. Strateġija bħal din għat-tiġdid industrijali teħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjalitajiet tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tal-politika industrijali, billi tieħu l-opportunità sabiex “tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromovi (dik i)l-koordinazzjoni (tal-Istati Membri fir-rigward tal-politika industrijali), b’mod partikolari inizjattivi li jimmiraw li jistabbilixxu linji gwida u indikaturi, li jorganizzaw l-iskambju tal-aħjar prattika, u li jħejju l-elementi meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjonijiet perijodiċi” (Artikolu 173 tat-TFUE). Din l-istrateġija għat-tiġdid industrijali, li għandha titnieda fi tmiem ir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-inizjattiva ewlenija “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni” għandha tiffoka b’mod partikolari fuq aċċess iktar faċli għall-kreditu, it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u l-ħolqien ta’ klima aħjar għall-intraprenditorija; dwar dan il-punt tal-aħħar il-Kumitat tar-Reġjuni joffri l-kontribut tiegħu permezz tal-organizzazzjoni, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, tal-premju “Reġjun Intraprenditorjali Ewropew” (EER); jenfasizza wkoll l-importanza ta’ settur pubbliku funzjonali u effettiv, bħala ħtieġa għat- tkabbir ekonomiku;

20.

jaħseb li l-fattur ewlieni tal-kompetittività tan-negozji Ewropej huwa ż-żieda fil-produttività permezz ta’ ġestjoni effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi u anke permezz tat-taħriġ fit-tul, l-innovazzjoni u t-tqassim tar-responsabbiltà. Għaldaqstant, jaħseb li huwa importanti li tiġi utilizzata l-esperjenza tan-negozji attivi fil-qasam tas-sostenibilità, li jintgħarfu faċilment anke permezz tal-użu taċ-ċertifikazzjonijiet Ewropej;

21.

jenfasizza li, fir-rigward tal-promozzjoni tal-kwalità tal-prodotti Ewropej, jista’ jkollu effetti pożittivi fuq l-intrapriżi anke l-użu addizzjonali ta’ tikketta ta’ oriġini UE flimkien mal-użu ta’ tikketti nazzjonali ta’ oriġini jew ta’ kwalità, bir-riperkussjonijiet pożittivi f’termini ta’ impjiegi;

22.

ifakkar fl-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Pakkett “Negozji Responsabbli” ” (relattiv għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea COM(2011) 681-685 final), u jenfasizza kif atteġġjament ta’ sostenibilità soċjali u ambjentali jista’ jħalli effetti pożittivi fir-rigward tal-kompetittività tal-intrapriżi, il-ġestjoni tar-riskju, it-trażżin tal-ispejjeż, relazzjonijiet sodi mal-klijenti u l-kapaċità tal-innovazzjoni;

23.

huwa favur il-miżuri mmirati lejn il-ħolqien ta’ impjiegi fl-attivitajiet marbutin mas-sostenibbiltà ambjentali, il-professjonijiet fil-qasam tas-saħħa u l-ICT (kif intwera wkoll fil-konklużjonijiet tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-KtR tat-22-23 ta’ Marzu 2012), u jaħseb li huwa importanti li jiġi mfakkar, inter alia, li s-suq Ewropew tax-xogħol għadu magħmul l-iżjed minn ħaddiema impjegati fis-setturi industrijali u tal-manifattura li kkontribwixxew għat-tiswir tal-istorja tal-iżvilupp Ewropew. Għalhekk, jitlob li dawn l-impjiegi jiġu kkunsidrati iżjed billi jiġu proposti strumenti għat-taħriġ mill-ġdid tal-kapital uman;

24.

ifakkar li t-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet titlob ristrutturazzjoni tas-suq tax-xogħol attwali, li trid tiġi appoġġjata f’kull rigward minn miżuri ta’ promozzjoni adegwati;

25.

jappoġġja l-proposta li jiġi estiż l-istrument tal-mikrofinanzjament Progress, għax dan jagħmilha possibbli li jiġu ffinanzjati somom żgħar għal funzjonijiet soċjalment utli u ta’ mertu;

26.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li żżomm attiv il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-intrapriżi Ewropej għadhom f’sitwazzjoni ta’ kriżi u inċertezza. Madankollu, jistenna li jkun hemm iżjed ċarezza dwar il-futur tal-programm, u jittama li l-proċeduri l-ġodda għall-attivazzjoni tal-fond ikunu iżjed armonizzati, rapidi u ċari;

Nistabbilixxu mill-ġdid id-dinamika tas-swieq tax-xogħol

27.

iħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu l-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom, b’attenzjoni partikolari għall-kwistjoni tal-flessigurtà, li hija sfida kbira għas-suq tax-xogħol Ewropew. Politika li tqis il-ħtieġa għal flessibilità fix-xogħol, iżda li fl-istess waqt tipproteġi liċ-ċittadini, trid taħdem id f’id mar-reġjuni u l-awtoritajiet lokali. Il-Kumitat tar-Reġjuni jiddispjaċih li minkejja l-impenn politiku meħud matul il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2012 u l- gwida tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni, mhux l-Istati Membri kollha ppreżentaw, fil-kuntest tal-Pjan Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom għall-2012, pjan nazzjonali għall-impjiegi li jistabbilixxi miżuri komprensivi favur il-ħolqien tal-impjiegi, b’mod partikolari l-impjiegi “ekoloġiċi”;

28.

jinsab imħasseb dwar il-livell ta’ inattività u qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha, biex jiġi żgurat li ż-żgħażagħ ikollhom impjieg, kwalifikat u ta’ kwalità, li jagħtihom l-indipendenza u l-istabbiltà ekonomika;

29.

josserva li ċerti pajjiżi għandhom livelli kritiċi ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ iżjed minn pajjiżi oħra, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tissorvelja dawn is-sitwazzjonijiet b’attenzjoni partikolari, anke billi tipprevedi livell ogħla ta’ monitoraġġ tal-programmi, u għandha tkompli tfittex b’mod mgħaġġel li jintlaħaq ma jdumx l-għan ta’ Proposta għal Rakkomandazzjoni min-naħa tal-Kunsill dwar l-istrumenti ta’ garanzija għaż-żgħażagħ;

30.

jirrikonoxxi li, f’ċerti Stati Membri, min iħaddem qed jabbuża mill-iskemi tal-apprentistat u jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jiġi introdott qafas ta’ kwalità għall-apprentisti, iżda jirrakkomanda li ma tinħoloqx riġidità eċċessiva li tista’ ġġib magħha r-riskju li ma tintużax l-iskema tal-apprentistat min-naħa tal-intrapriżi;

31.

jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li, sal-2013, l-apprentisti kollha, permezz ta’ klawsola f’kuntratt tal-apprentistat, ikollhom il-protezzjoni u l-informazzjoni meħtieġa dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u dwar dawk ta’ min iħaddem;

32.

huwa tal-fehma li tkun idea tajba li jiġu organizzati apprentistati għall-istudenti tal-università fl-Unjoni Ewropea, biex b’hekk l-istudenti jitqarrbu lejn id-dinja tax-xogħol. Fil-fatt, huwa fundamentali li jinħoloq pont bejn il-qasam akkademiku u dak tax-xogħol, u dan jista’ jsir ukoll bis-saħħa tal-Programmi ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja jew l-Erasmus għall-intraprendituri żgħażagħ. Dan l-aħħar programm, b’mod partikolari, qed jagħti prova ta’ strument effettiv biex jistimula l-intraprenditorjat, li huwa valur importanti biex noħorġu mill-kriżi;

33.

jittama li l-awtoritajiet reġjonali jkunu jistgħu jaqdu rwol importanti bħala pont bejn id-dinja tat-taħriġ u d-dinja tal-produzzjoni, u jippromovu ftehimiet li jinkludu l-għarfien min-naħa tal-università tal-attivitajiet imwettqa direttament fl-intrapriżi jew f’organizzazzjonijiet pubbliċi jew tat-tielet settur matul il-perjodu tat-taħriġ. Dan jista’ jiġri grazzi għall-ftehimiet bejn l-uffiċċju skolastiku reġjonali jew lokali, l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tal-intrapriżi;

34.

josserva li, attwalment, l-apprentistati jirrappreżentaw wieħed mill-punti prinċipali ta’ dħul fis-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ; madankollu, josserva li, fil-prattika, mhumiex iżolati l-każi ta’ żgħażagħ mibgħuta minn apprentistat għal ieħor mingħajr il-possibbiltà li jiksbu kuntratt ġenwin tax-xogħol li jagħtihom il-garanziji adatti. Għalhekk, jiddispjaċih li fost il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea, ma hemmx linji gwida għall-Istati Membri dwar kif għandhom jirregolaw u jegħlbu din is-sitwazzjoni permezz ta’ politiki adatti tax-xogħol u permezz tal-inċentivi fiskali potenzjali u ta’ miżuri adegwati oħrajn;

35.

ifakkar li ż-żgħażagħ huma riżorsa fundamentali minħabba l-kapaċità naturali tagħhom li jkunu innovattivi u li jaggregaw bejniethom, u għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali mill-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi. Il-valur miżjud ta’ apprentistat jinsab f’li l-apprentist imħarreġ isir riżorsa attiva għall-intrapriża, l-organizzazzjoni jew l-awtorità pubblika, li għalhekk ikollha interess tkompli taħdem miegħu jew magħha;

36.

jittama li fil-futur qarib il-pajjiżi Ewropej jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom għall-kundizzjonijiet li qed jinbidlu fis-suq tax-xogħol globali. L-indikatur ewlieni għall-evalwazzjoni tal-edukazzjoni – ir-rata ta’ edukazzjoni – ma jaqdix ir-rwol tiegħu b’mod suffiċjenti. Għalhekk jappella biex jiġu identifikati mezzi ġodda iktar effettivi għall-evalwazzjoni tal-politika tal-edukazzjoni. Huwa rrakkomandat li l-għanijiet tal-edukazzjoni għolja jiġu definiti mill-ġdid u li s-sistema ta’ kejl, monitoraġġ u finanzjament tiġi adattata għall-ħtiġijiet tas-suq;

37.

jaqbel dwar il-fatt li hemm nuqqas ta’ ħiliet adegwati li jissodisfaw l-esiġenzi tas-suq tax-xogħol tal-ġejjieni u, għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta ta’ panorama Ewropea tal-ħiliet li, malajr kemm jista’ jkun, għandha twassal għal fażi ta’ rikonoxximent sħiħ tal-kwalifiki u l-ħiliet, li huwa pass meħtieġ biex jiġi żgurat suq tax-xogħol uniku ġenwin fl-Unjoni Ewropea;

38.

jenfasizza li l-Passaport Ewropew tal-Ħiliet tax-Xogħol tal-ġejjieni m’għandux jikkostitwixxi strument ta’ għarfien ta’ standards “’l isfel”, iżda għandu jinkoraġġixxi valutazzjoni reali tal-ħiliet prattiċi (manifattura, artiġjanat, eċċ.) li jirriflettu l-eċċellenza tat-territorji tagħna u li, għaldaqstant, jippremja ’l-meritokrazija;

39.

jirrikonoxxi n-nuqqas attwali ta’ interazzjoni bejn id-dinja tat-tagħlim u dik tax-xogħol, u għalhekk jipproponi li jkun iżjed faċli għall-istudenti fl-iskejjel li jkollhom esperjenza tax-xogħol mhux biss permezz tal-apprentistati msemmijin hawn fuq, iżda wkoll permezz ta’ programmi ta’ taħriġ, fl-iskejjel u l-universitajiet, li jsiru direttament mill-professjonisti;

40.

jipproponi li jinħolqu programmi speċifiċi ta’ skambju bejn l-uffiċjali tal-awtoritajiet pubbliċi u l-intrapriżi biex timtela l-lakuna bejn is-servizz ċivili u l-ħtiġijiet tad-dinja tan-negozju, u b’hekk ikun possibbli l-fehim reċiproku u t-tagħlim tal-prattiki tajbin;

41.

barra minn hekk, jissuġġerixxi li jiġi promoss it-taħriġ addizzjonali tal-ħaddiema (permezz ta’ programmi adatti kofinanzjati bil-fondi Ewropej);

42.

jaħseb li huwa importanti li jitħeġġu tipi ta’ impjieg indipendenti u intraprenditorija indipendenti, b’attenzjoni partikolari għall-istart-ups taż-żgħażagħ. Dan jista’ jippermetti li jintużaw b’iżjed effiċjenza riżorsi li inkella jintefqu b’mod mhux produttiv (l-ispejjeż ta’ qabel il-pensjoni jew sussidji tal-qgħad);

43.

jaqbel mal-bżonn li jiġu promossi miżuri li jistgħu jwasslu għal suq Ewropew tax-xogħol, billi tiġi ffaċilitata l-mobbiltà taċ-ċittadini u l-ħaddiema tal-Unjoni Ewropea, permezz tat-tneħħija tal-ostakli fiskali, l-esportazzjoni tal-benefiċċji tal-qgħad u t-trasferibbiltà tad-drittijiet għall-pensjoni;

44.

huwa konvint li r-rispett tal-obbligi u l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema mobbli għandhom jibqgħu fost il-prijoritajiet tal-UE, sabiex tiġi żgurata mobbiltà adatta fis-suq intern. Fid-dawl ta’ dan, is-servizz ta’ għajnuna SOLVIT jista’ jiġi integrat fost is-servizzi tan-netwerk Enterprise Europe Network (EEN), bil-għan li min iħaddem u l-impjegati jitqarrbu lejn servizz li jikkostitwixxi punt ta’ riferiment uniku integrat dwar kwistjonijiet Ewropej;

45.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jittejjeb l-EURES, anke billi jiġi introdott servizz “Match and Map” li jgħin biex ikun hemm stampa ġeografika ċara tal-proposti. F’dan ir-rigward, il-Kumitat ifakkar fir-rwol nazzjonali u reġjonali tal-iskemi tal-aġenziji tax-xogħol u jissuġġerixxi integrazzjoni akbar man-netwerk EEN, ir-reġjuni u l-Kmamar tal-Kummerċ (li jgawdu minn rabtiet b’saħħithom mad-dinja tan-negozju u huma konxji mill-ħtiġijiet u l-problemi tagħha);

46.

sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel mappa tal-analiżijiet eżistenti li jqabblu d-domanda mal-provvista fis-swieq nazzjonali tax-xogħol. Skambju u koordinazzjoni ta’ din id-data jistgħu jkunu fundamentali sabiex ikun hemm mobilità adatta fl-intern tal-UE. Fid-dawl ta’ dan, jiġbed l-attenzjoni għall-istħarriġ Excelsior, li sar mis-sistema Taljana tal-kmamar tal-kummerċ;

47.

jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija ta’ konsultazzjoni sal-aħħar tal-2012 dwar il-migrazzjoni ekonomika u jissuġġerixxi li tiġi analizzata b’attenzjoni partikolari l-kwistjoni tal-migrazzjoni ċirkolari, u li tiġi promossa l-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali.

It-titjib tal-governanza tal-Unjoni Ewropea

48.

jilqa’ b’sodisfazzjon koordinazzjoni ikbar tal-governanza Ewropea, u jenfasizza r-rwol essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

49.

jappoġġja l-proposta li titressaq kull sena pubblikazzjoni bil-punti ta’ riferiment dwar l-indikaturi tal-impjieg: sistema ta’ din ix-xorta għandha tirrappreżenta mhux biss is-swieq tax-xogħol nazzjonali iżda anke dawk reġjonali sal-livell tan-NUTS2, sabiex jinstabu soluzzjonijiet li jirriflettu aħjar iċ-ċirkustanzi differenti;

50.

jittama li s-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA2010) tal-ġejjieni tkun tista’ tiġbor livell ogħla ta’ statistika reġjonali fil-livell tan-NUTS2, sabiex tagħmel disponibbli indikaturi konkreti għat-titjib tal-governanza tal-Unjoni Ewropea u għar-responsabilizzazzjoni tal-livelli differenti ta’ gvern;

51.

jaqbel li hemm il-bżonn li jiġu introdotti miżuri ta’ monitoraġġ tal-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali għall-impjieg, bil-kundizzjoni li ma jkunux akkumpanjati minn sanzjonijiet potenzjali b’impatt reġjonali u lokali.

Anness – Sensiela ta’ Azzjonijiet Ewlenin għall-Impjiegi għall-Ekonomija Ekoloġika

52.

huwa tal-fehma li huwa indispensabbli li naslu għal definizzjoni ċara ta’ “impjiegi ekoloġiċi”, jiġifieri impjiegi li jħarsu l-ambjent u huma sostenibbli. Biex niksbu dan, jeħtieġ li jiġu żviluppati indikaturi li jirrappreżentaw l-uniku riferiment Ewropew għall-kejl;

53.

jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti iżjed mill-qrib meta jiġu definiti l-politiki favur inċentivi ta’ “impjiegi ekoloġiċi” fi ħdan il-pjani nazzjonali għall-impjieg;

54.

jissuġġerixxi li tiġi vvalutata l-possibbiltà li jiġi żviluppat il-kunċett ta’ metadistrett tal-ambjent għall-iżvilupp sostenibbli (jiġifieri kunċett ta’ cluster mhux marbut mal-viċinanza fiżika tal-kumpaniji, iżda li bis-saħħa tat-teknoloġiji ġodda xorta jista’ jippermetti l-kooperazzjoni u fl-istess waqt il-kompetizzjoni li hija l-bażi tas-suċċess taż-żoni industrijali), sabiex jiġu pprovduti bażi istituzzjonali u rikonoxximent għall-attivitajiet ekonomiċi ekoloġiċi;

55.

fil-fehma tal-Kumitat, hemm bżonn li l-istrumenti kollha implimentati (fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali) biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa dwar il-ħiliet ekoloġiċi futuri meħtieġa mis-suq, għandhom ikunu kkoordinati bejniethom u jikkomplementaw lil xulxin sabiex ma jkunx hemm ħela tar-riżorsi bla bżonn u duplikazzjonijiet;

56.

japprezza l-attivitajiet ta’ informazzjoni u tixrid li jiġġeneraw programmi bħall-Enerġija Intelliġenti – Ewropa;

57.

jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-kooperazzjoni mal-BEI u, b’mod partikolari, jissuġġerixxi li jissaħħaħ il-programm ELENA biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu megħjuna jimmobilizzaw ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-programmi ddedikati għall-enerġija sostenibbli u għall-enerġija rinnovabbli;

58.

jaqbel bis-sħiħ mal-fatt li l-fondi tal-FSE u tal-FEŻR għandhom ikunu l-istrumenti prinċipali għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda u l-iżvilupp tal-impjieg;

59.

madankollu, huwa tal-fehma li għandu jitħeġġeġ l-użu innovattiv ta’ dawn il-fondi, billi jippromovu taħriġ li jikkunsidra wkoll il-mobbiltà internazzjonali sabiex tkun tista’ ssir fejn huma rikonoxxuti l-aħjar prattiki fil-qasam tas-sostenibilità ambjentali;

60.

filwaqt li jemmen li l-proposta għall-promozzjoni ta’ investimenti ekoloġiċi fil-qafas tal-istrument tal-mikrofinanzjament PROGRESS hija interessanti, ma jifhimx il-bżonn li jiġi propost “forum għall-partijiet interessati”;

61.

jipproponi, minflok, li jsir mod li l-intermedjarji finanzjarji li joperaw fi ħdan il-programm PROGRESS jiġu pprovduti b’inċentivi ekonomiċi biex jippromovu proġetti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

62.

jirrikonoxxi l-importanza tas-sħubijiet bħala mezz biex jiġi implimentat il-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli, u jinkoraġġixxi l-użu tagħhom;

63.

jemmen li huwa importanti li tiġi promossa koordinazzjoni strateġika f’livell wiesa’ fost is-servizzi għall-impjieg, bil-għan li jitnaqqsu d-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri differenti. Għaldaqstant, jittama li l-istrument PARES jiġi aġġustat għal dan l-iskop;

64.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-iskambju tal-prattiki tajbin, anke permezz tal-pubblikazzjoni ta’ manwal għal tal-apposta, bil-kundizzjoni li dawn it-tipi ta’ skambji jiġu segwiti minn azzjoni konkreta.

Anness – Pjan ta’ Azzjoni għall-Persunal fil-Qasam tal-Kura tas-Saħħa tal-UE

65.

jaqbel bis-sħiħ mal-proposta li jittejbu l-ippjanar u l-previżjoni tal-persunal li jaħdem fil-qasam tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea;

66.

jittama, madankollu, li l-pjattaforma tal-Istati Membri jirnexxilha tarmonizza malajr l-itinerarji tal-istudju, ħalli b’hekk titnaqqas il-burokrazija u tippermetti iżjed moviment tal-persunal fil-qasam tas-saħħa fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

67.

għalhekk, jitlob li t-tfassil tal-linji gwida dwar l-iskambju ta’ kapaċitajiet ta’ tagħlim u taħriġ fil-professjonijiet tas-saħħa jibda sa mill-2013, fid-dawl tal-fatt li ċ-ċensiment tal-kapaċitajiet għandu jservi biss bħala tħejjija għat-tfassil tal-linji gwida;

68.

għandu dubju dwar il-proposta li jinħoloq Kunsill Ewropew tal-Ħiliet dwar il-prattika tal-infermiera u l-ħaddiema li jagħtu l-kura u dwar il-ħolqien ta’ proġett pilota ta’ Alleanza ta’ Ħiliet marbutin ma’ Settur, peress li ma jidhirx li l-proposta tipprovdi valur miżjud;

69.

huwa tal-fehma li l-pjattaforma Ewropea tal-Istati Membri proposta tista’ tkun il-mekkaniżmu suffiċjenti u meħtieġ biex tinkiseb stampa ċara tal-ħiliet fl-Istati Membri differenti u biex jitwaqqfu r-rekwiżiti minimi għat-taħriġ tal-persunal fil-qasam tas-saħħa, inkluż dak tal-infermiera u tal-ħaddiema li jagħtu l-kura;

70.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni li jkunu magħrufa l-aħjar prattiki għar-reklutaġġ u ż-żamma tal-persunal, iżda jemmen ukoll li l-proċess m’għandux jiġi jiswa ħafna flus. Għalhekk, jipproponi li, l-ewwel nett, tittieħed azzjoni permezz tat-tnedija ta' konsultazzjoni ad hoc u mbagħad issir valutazzjoni (abbażi tar-riżultati miksuba) jekk hemmx bżonn ta’ tipi oħra ta’ stħarriġ;

71.

ifakkar li, meta jkunu qed jiġu rreklutati ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, hemm il-ħtieġa li x-xogħol irregolari jiġi diżinċentivat, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-persuni li jagħtu l-kura fid-djar;

72.

huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-kodiċi ta’ kondotta tad-WHO jiġi applikat b’mod uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha; izda, fid-dawl tan-natura fakultattiva tal-kodiċi, hemm bżonn ta’ iżjed informazzjoni dwar liema miżuri jistgħu jittieħdu biex dan jiġi applikat.

Anness – Sensiela ta’ Azzjonijiet Ewlenin għall-Impjiegi fit-Teknoloġija tal-Informatika (ICT)

73.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li jitwaqqfu sħubijiet biex l-operaturi tas-suq tal-ICT, il-Kmamar tal-Kummerċ u l-awtoritajiet pubbliċi u li l-entitajiet tar-riċerka jiġu involuti fl-organizzazzjoni ta’ inizjattivi ta’ taħriġ dwar il-ħiliet meħtieġa mis-suq;

74.

madankollu, jemmen li barra milli tiġi appoġġjata kampanja ta’ sensibilizzazzjoni u promozzjoni tal-karrieri fil-qasam tal-ICT għaż-żgħażagħ, għadu neċessarju li jiġu promossi investimenti f’dan is-settur b’mod iktar wiesa’ (meta wieħed iqis li l-analiżijiet tal-Kummissjoni Ewropea juru li dawn l-investimenti jżidu l-produttività) li jtejbu l-kompettività permezz ta’ metodi adegwati u li jirrispettaw id-differenzi li jeżistu bejn l-Istati Membri diversi (pereżempju l-clustering);

75.

jissuġġerixxi li jingħataw valur l-azzjonijiet li huma favur l-istart-ups, sabiex jiġi ffavorit l-impjieg fis-settur tal-ICT. Eżempji ta’ dawn l-azzjonijiet jinkludu l-ħolqien ta’ inkubaturi fil-parkijiet xjentifiċi u teknoloġiċi (fejn tiġi kkonċentrata l-preżenza ta’ intrapriżi ġodda tat-teknoloġija għolja, grazzi għal kondizzjonijiet favorevoli, u jinħoloq ambjent adatt u sinerġetiku bejn l-intrapriżi) u l-investiment dirett tal-entitajiet finanzjarji reġjonali (jekk joffru kapital riskjuż għal start-up fl-ewwel snin ta’ attività, jistgħu jgħinu biex il-finanzjament ikun iżjed sempliċi u sikur, u jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ kapital ta' riskju privat);

76.

peress li s-settur tal-ICT għadu fil-bidu tiegħu u qiegħed jespandi b’mod naturali bi tweġiba għat-tibdil meħtieġ mis-suq, jissuġġerixxi li l-attivitajiet ta’ appoġġ jiġu mmirati wkoll lejn it-taħriġ tal-ħaddiema li għandhom ’il fuq minn 55 sena, b’attenzjoni partikolari tingħata lis-settur pubbliku fejn żdiedet bil-bosta l-età medja tal-impjegati, fejn it-twaqqif tat-turn-over tal-ħaddiema naqqas il-pass tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjoni ġodda bħala sostenn għas-servizzi li jingħataw;

77.

japprezza l-elaborazzjoni tal-qafas Ewropew tal-Ħiliet Diġitali, u jenfasizza l-bżonn ta’ koordinazzjoni ikbar, biż-żieda ta’ inizjattivi simili (bħall-ECDL) biex l-inizjattivi ma jiġux idduplikati;

78.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda li jiġi ffinanzjat proġett pilota li jipprovdi stampa taċ-ċertifikazzjonijiet mogħtija, bil-kundizzjoni li dan il-proġett jintuża bħala l-ewwel pass lejn l-istandardizzazzjoni taċ-ċertifikazzjonijiet;

79.

jaċċetta l-idea li l-FSE għandu jaqdi r-rwol tal-fond prinċipali għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki, iżda jfakkar li, jekk nixtiequ niksbu riżultati konkreti, ikun aħjar li l-ispejjeż ikunu ffukati.

Brussell, 1 ta’ Frar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  CdR 648/2012, COTER-V-24.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Id-99 sessjoni plenarja tal-31 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar 2013

2.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/77


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej”

2013/C 62/15

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jafferma b’konvinzjoni li din il-proposta tista’ tkun mezz li jiffaċilita d-dibattitu fil-livell Ewropew u transnazzjonali u l-ħolqien ta’ opinjoni pubblika Ewropea;

huwa favur li l-kisba ta’ status ġuridiku Ewropew tkun ikkundizzjonata fuq ir-rispett ta’ livelli għoljin ta’ governanza, responsabilità li jingħata rendikont u trasparenza;

japprova l-fatt li l-livell parlamentari reġjonali jidher fir-regolament flimkien mal-livelli Ewropej u nazzjonali fil-parti fejn il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet affiljati jitolbu r-reġistrazzjoni tagħhom fil-Parlament Ewropew kemm bħala partit kif ukoll bħala fondazzjoni politika Ewropea;

jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li jassoċjaw lill-KtR fil-proċess ta’ kontroll tar-rispett tal-valuri fundamentali tal-UE;

iqis aċċettabbli l-użu previst tal-finanzjament tal-UE iżda jipproponi li l-qsim iqis ukoll in-numru ta’ rappreżentanti tal-KtR;

jirrakkomanda li jkun possibbli li l-kampanji referendarji jew dwar inizjattivi popolari fil-livell Ewropew, ikunu jistgħu igawdu minn finanzi Ewropej.

Relatur

Is-Sur István SÉRTŐ-RADICS (HU/ALDE), Sindku ta’ Uszka

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

COM(2012) 499 final - 2012/0237 (COD)

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – L-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li ġiet ippubblikata fit-12 ta’ Settembru 2012 mill-Kummissjoni Ewropea. Din il-proposta tieħu post u tħassar ir-Regolament Nru 2004/2003/KE li s’issa kien jirregola l-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi;

2.

għandu t-tir li jikkontribwixxi, b’kunsiderazzjoni partikolari tal-kompożizzjoni tiegħu magħmula minn gruppi politiċi, fit-tfassil ta’ din il-Proposta leġislattiva li anke, fost merti oħra, wisq probabbli ser tiġbed iktar attenzjoni lejn il-livell lokali u reġjonali dwar id-deċiżjonijiet politiċi Ewopej u dwar l-impenn Ewropew tal-membri tal-Kumitat tar-Reġjuni fit-tfassil ta’ dawk id-deċiżjonijiet;

3.

huwa jikkonferma l-impenn tiegħu li jrendi iktar popolari ċ-ċittadinanza tal-UE (1) u favur l-edukazzjoni għaċ-ċittadini tal-UE (2) u dan affermah reċentement b’mod dettaljat f’bosta opinjonijiet tiegħu;

4.

jafferma mill-ġdid, b’mod partikolari, l-impenn tiegħu favur il-promozzjoni taċ-ċittadinanza tal-UE u tad-drittijiet marbuta magħha inkluż d-dritt tal-vot. L-attivitajiet tal-Kumitat tar-Reġjuni li ser isiru fil-kuntest tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 ser jiffokaw fuq din it-tema (3);

5.

jenfasizza li huwa importanti li ċ-ċittadini jiġu involuti fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, iċ-ċittadinanza tal-UE tgħin biex tibni d-demokrazija Ewropea. Huwa għalhekk fl-interess taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li tkun tista’ tiffjorixxi demokrazija rappreżentattiva Ewropea. Fil-proċess leġislattiv Ewropew, il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej li jippreżentaw dimensjoni tassew transnazzjonali jaqdu rwol essenzjali biex iwasslu l-vuċi taċ-ċittadini fil-livell Ewropew;

6.

jafferma b’konvinzjoni li din il-proposta tista’ tkun mezz li jiffaċilita d-dibattitu fil-livell Ewropew u transnazzjonali u l-ħolqien ta’ opinjoni pubblika Ewropea; jiġifieri din tista’ tagħti kontribut f’li tqajjem l-interess taċ-ċittadini fl-elezzjonijiet Ewropej u żżid il-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjonijiet kif ukoll issaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-Unjoni Ewropea;

7.

japprova l-għanijiet ewlenin tar-Regolament li jiżdiedu l-viżibilità, ir-rikonoxximent, l-effettività, it-trasparenza tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u r-responsabbiltà tagħhom li jagħtu rendikont;

8.

iqis li huwa assolutament neċessarju li jkun hemm rabta aħjar bejn il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej u li partit politiku Ewropew jista’ jkollu fondazzjoni politika Ewropea waħda biss formalment affiljata miegħu;

Reġistrazzjoni u monitoraġġ

9.

iqis li l-ħolqien ta’ statut ġuridiku Ewropew ikun pass importanti lejn l-unifikazzjoni politika tal-Ewropa, li jipprovdi l-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni bħala partit politiku Ewropew jew bħala fondazzjoni politika Ewropea u b’hekk jinkiseb statut legali bbażat fuq il-liġi tal-UE u b’hekk jeħlishom mid-diversità ta’ forom ġuridiċi nazzjonali li taħthom sa issa kienu jeżistu; jinnota, madankollu, li l-kapaċità tal-abbozz preżenti biex jaqdi din il-funzjoni tiddependi minn implimentazzjoni adegwata mill-Istati Membri;

10.

jenfasizza li l-qafas tal-istatut Ewropew li qed tipproponi l-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-esperjenzi ta’ kif jaħdmu l-partiti, il-kartelli u l-fondazzjonijiet reġistrati fil-livell nazzjonali, li jeżistu u li għandhom rikonoxximent kbir, iżda l-proposta attwali fiha ċerti limitazzjonijiet (notevolment fir-rigward tal-istatus legali Ewropew indipendenti) li jagħtu wieħed x’jifhem li, għat-tfassil tal-istatut il-ġdid, ma ġewx ikkunsidrati bis-sħiħ l-esperjenzi kollha tal-partiti politiċi Ewropej mill-2004 ’l hawn;

11.

jenfasizza li l-ħolqien ta’ status legali Ewropew għandu importanza kbira għall-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom billi jippermettilhom li jagħżlu li jistabbilixxu l-kwartieri tagħhom f’liema Stat Membri jridu taħt l-istess kundizzjonijiet u skont il-karatteristiċi u l-identità politika tagħhom;

12.

għal din ir-raġjuni jisħaq li huwa importanti li l-istatut ġuridiku Ewropew li jintroduċi dan ir-Regolament iqis il-leġislazzjonijiet nazzjonali. Madanakollu jirrakkomanda lill-istituzzjonijiet Ewropej li fil-futur ifasslu statut ġuridiku Ewropew fih innifsu;

13.

huwa favur li l-kisba ta’ status ġuridiku Ewropew tkun ikkundizzjonata fuq ir-rispett ta’ livelli għoljin ta’ governanza, responsabilità li jingħata rendikont u trasparenza;

14.

iqis li huwa pass importanti li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti speċifiċi għall-kisba u l-ħarsien ta’ status ġuridiku Ewropew jinkludu r-rispett strett tal-valuri li fuqhom hija mibnija l-UE. Dawn l-elementi sa issa kienu parti mill-kriterji tal-adeżjoni tal-pajjiżi kandidati iżda issa dan ir-regolament ipoġġi l-valuri fundamentali tal-UE fost il-kriterji li jistgħu u għandhom jiġu segwiti fil-qafas tal-monitoraġġ politiku;

15.

japprova l-fatt li l-livell parlamentari reġjonali jidher fir-regolament flimkien mal-livelli Ewropej u nazzjonali fil-parti fejn il-partiti politiċi u l-fondazzjonijiet affiljati jitolbu r-reġistrazzjoni tagħhom fil-Parlament Ewropew kemm bħala partit kif ukoll bħala fondazzjoni politika Ewropea wara li jkunu tqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom. Madanakollu fid-dawl tad-differenzi fl-istrutturi tal-Istati Membri, huwa importanti li tiġi kjarifikata n-natura tal-livell politiku intermedju (land, reġjun, kontea, dipartiment, provinċja);

16.

japprova li l-Parlament Ewropew kull sena jivverifika r-rispett tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għall-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti definiti mir-Regolament u li jista’ jivverifikaw ukoll, abbażi ta’ talba, li partit u fondazzjoni jkomplu jirrispettaw il-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea;

17.

jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li jassoċjaw lill-KtR fil-proċess ta’ kontroll tar-rispett tal-valuri fundamentali tal-UE;

18.

jirrakkomanda li jkun obbligatorju li l-KtR jiġi assoċjat fil-każ fejn il-partit ikkonċernat mill-monitoraġġ huwa rrapreżentat fil-KtR;

Finanzjament

19.

ifakkar li fl-opinjoni tiegħu dwar il-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid għal wara l-2013 (4), il-KtR insista fuq il-fatt li hemm bżonn li jiġu previsti riżorsi adegwati għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-isforzi li jsiru bil-għan tal-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-demokrazija u għall-bini taċ-ċittadinanza tal-UE. Il-partiti politiċi Ewropej joffru dimensjoni tassew transnazzjonali u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej affiljati magħhom għandhom rwol ewlieni fit-twassil tal-ilħna taċ-ċittadini fil-livell Ewropew billi jservu ta’ pont bejn il-politika fil-livell nazzjonali u f’dak tal-Unjoni;

20.

jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni tiddistingwi bejn il-kriterji tal-ksib tal-istatut ġuridiku u dawk li huma relatati mal-eliġibbiltà għall-fondi;

21.

iqis li l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej se jkompli jiġi mill-UE permezz tal-baġit tal-Parlament Ewropew;

22.

japprova l-fatt li r-rikonoxximent bħala partit politiku Ewropew jew bħala fondazzjoni politika Ewropea, u għalhekk is-sodisfazzjoni tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li fuqu dan jiddependi, tkun prekundizzjoni għall-eliġibbiltà għall-finanzjament mill-baġit tal-UE;

23.

iqis aċċettabbli l-użu previst tal-finanzjament tal-UE (15 % jinqasmu f’ismha ndaqs; 85 % jitqassmu fi proporzjon mas-sehem tagħhom ta’ membri eletti tal-Parlament Ewropew) iżda jipproponi li l-qsim iqis ukoll in-numru ta’ rappreżentanti tal-KtR;

24.

jilqa’ l-fatt li din il-proposta tgħolli l-livell ta’ donazzjonijiet li jkunu permessi għal kull sena minn kull donatur (persuna fiżika jew ġuridika) minn EUR 12 000 għal EUR 25 000 biex tissaħħaħ il-ħila tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi li jiġġeneraw riżorsi proprji;

25.

japprova l-prinċipju u l-prattika li l-finanzi Ewropej ma jintużawx biex jiffinanzjaw b’mod dirett jew indirett l-elezzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali jew partiti politiċi oħra, u b’mod partikolari partiti politiċi jew kandidati nazzjonali: dan imur kontra l-ispirtu sovvranazzjonali tal-proposta;

26.

għall-kuntrarju ma jifhimx għaliex il-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ma għandhomx jiffinanzjaw minn flushom kandidati għall-elezzjonijiet nazzjonali, reġjonali jew lokali li ġejjin mill-istess familja politika Ewropea;

27.

jifhem l-għan tal-proposta li jiġi projbit ukoll l-użu ta’ finanzi Ewropej għall-kampanji referendarji nazzjonali, reġjonali jew lokali (pereżempju li jimmiraw lejn tibdil fit-trattat), iżda jirrakkomanda li jkun possibbli li l-kampanji referendarji jew inizjattivi popolari fil-livell Ewropew, ikunu jistgħu jgawdu minn finanzi Ewropej;

Tħaddim prattiku, perspettivi reġjonali u lokali

28.

huwa konvint li, fil-mod kif jaħdmu, il-partiti politiċi Ewropej ser jaslu biex ikunu dejjem aktar effikaċi f’li jesprimu u jwasslu r-rieda taċ-ċittadini dwar il-mandati pubbliċi u funzjonijiet oħra rappreżentattivi fil-livell Ewropew, u li huma għad ikunu kapaċi jistabbilixxu kuntatt aktar dirett bejn il-livell Ewropew tal-poter u dak lokali/reġjonali;

29.

jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom il-garanzija ta’ aċċess sħiħ għall-informazzjoni fl-Istati Membri biex huma jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv fil-politika, u jitlob lill-membri tiegħu biex jieħdu miżuri ħalli l-Istati Membri jiggarantixxu l-aċċess għall-informazzjoni (5). L-eżistenza tal-partiti politiċi Ewropej li toffri dimensjoni transnazzjonali ġenwina tista’ jkollha sehem x’taqdi f’dan ir-rigward ukoll;

30.

jirrikonoxxi li l-eżistenza tal-partiti politiċi Ewropej li jippreżentaw dimensjoni ġenwinament transnazzjonali tista’ twassal biex fil-futur, xi kandidati joħorġu għall-elezzjonijiet lokali u reġjonali f’isem partit politiku Ewropew pjuttost milli f’isem il-partit nazzjonali jew reġjonali tagħhom. Dan joħroġ aktar biċ-ċar ir-rabta diretta bejn il-politika Ewropea u l-politika lokali/reġjonali;

31.

jappoġġja r-rieda politika li l-istatut ġuridiku Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament jidħlu fis-seħħ ferm qabel l-elezzjonijiet Parlamentari Ewropej tal-2014 u jkunu japplikaw ukoll għall-finanzjament ta’ kampanji li jsiru fil-livell lokali/reġjonali minn partiti politiċi Ewropej u minn fondazzjonijiet politiċi Ewropej fir-rigward ta’ inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej;

Is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u regolamentazzjoni aħjar

32.

jirrikonoxxi li wieħed jista’ jqis li l-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, peress li r-regoli dwar l-istatut ġuridiku Ewropew u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u tal-fondazzjonijiet politiċi Ewropej ma jistgħux jiġu definiti ħlief fil-livell tal-UE;

33.

jinnota li l-istruttura fuq diversi livelli tas-sistema demokratika emerġenti tal-UE tkun tista’ titpoġġa fil-prattika jekk ir-regolament ikun jippermetti l-parteċipazzjoni tal-KtR fil-proċess tal-kontroll tar-rispett tal-valuri fundamentali tal-UE mill-partiti politiċi Ewropej u mill-fondazzjonijiet politiċi Ewropej;

34.

jagħraf li b’mod ġenerali, il-proposta tista’ titqies bħala konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li ma tagħmilx iktar minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-livell Ewropew;

35.

iqis kontradittorju li filwaqt li l-proposta għandha l-għan li toħloq forma ġuridika Ewropea għaż-żewġ tipi ta’ entitajiet (partiti u fondazzjonijiet) dawn ser jibqgħu joperaw fil-biċċa l-kbira tal-aspetti tal-attivitajiet prattiċi tagħhom fuq il-bażi ta’ forma legali rikonoxxuta fl-ordni ġuridika tal-Istat Membru fejn ikollhom is-sede tagħhom;

36.

jiddispjaċih li l-proposta ma tinkludix studji tal-impatt;

37.

jirrikonoxxi li l-Kummissjoni Ewropea kkonsultat il-partijiet interessati u daħħlet ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni fil-proposta; madankollu, id-dokument ma jurix b’mod ċar jekk il-livell lokali u reġjonali ġiex ikkonsultat;

38.

jitlob lill-Parlament Ewropew li jinkludi lill-Kumitat tar-Reġjuni fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-istatut ġuridiku Ewropew u tas-sistema ta’ finanzjament prevista mill-proposta li ser isseħħ fit-tielet sena wara l-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI

Emenda 1

Artikolu 2(5)

Id-definizzjonijiet

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

5.

“Parlament reġjonali” jew “assemblea reġjonali” tfisser korp li l-membri tiegħu jew ikollhom mandat elettorali reġjonali jew ikunu politikament responsabbli quddiem assemblea eletta,

5.

“Parlament reġjonali” jew “assemblea reġjonali” tfisser korp f’livell intermedju bejn il-muniċipalità u l-istat li l-membri tiegħu jew ikollhom mandat elettorali jew ikunu politikament responsabbli quddiem assemblea eletta fil-livell sottonazzjonali ,

Raġuni

L-assemblej eletti fil-livell intermedju m’humiex uniformi f’kull Stat Membru. Ma jissejjħux kullimkien parlamenti reġjonali jew assemblej reġjonali. Fid-dawl tad-differenzi fl-istrutturi, għandha tiġi ċċarata n-natura tal-livell politiku intermedju (land, reġjun, kontea, dipartiment, provinċja, eċċ.). L-espressjoni “livell intermedju” proposta fl-emenda hija aktar globali u tifforma kunċett applikabbli għall-Istati Membri kollha, filwaqt li tinżamm id-distinzjoni minn mandat elettorali f’livell muniċipali.

Emenda 2

L-Artikolu 7(2)

Verifika tar-reġistrazzjoni

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Kull meta jkun mitlub biex jagħmel hekk minn kwart mill-membri tiegħu, li jkunu jirrappreżentaw mill-inqas tliet gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, il-Parlament Ewropew għandu jiddeċiedi b’maġġoranza tal-membri tiegħu jekk il-kundizzjoni fl-Artikolu 3(1)(c) għal partit politiku Ewropew u fl-Artikolu 3(2)(c) għal fondazzjoni politika Ewropea tkunx għadha qed tiġi rispettata.

Kull meta jkun mitlub biex jagħmel hekk minn kwart mill-membri tiegħu, li jkunu jirrappreżentaw mill-inqas tliet gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew, il-Parlament Ewropew għandu jiddeċiedi b’maġġoranza tal-membri tiegħu jekk il-kundizzjoni fl-Artikolu 3(1)(c) għal partit politiku Ewropew u fl-Artikolu 3(2)(c) għal fondazzjoni politika Ewropea tkunx għadha qed tiġi rispettata.

Qabel ma jasal għad-deċiżjoni tiegħu, il-Parlament Ewropew għandu jisma’ lir-rappreżentanti tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati u jitlob lil kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti sabiex dan jagħti opinjoni dwar is-suġġett fi żmien perjodu raġonevoli.

Qabel ma jasal għad-deċiżjoni tiegħu, il-Parlament Ewropew għandu jisma’ lir-rappreżentanti tal-partit politiku Ewropew jew tal-fondazzjoni politika Ewropea kkonċernati u jitlob lil kumitat ta’ persuni eminenti indipendenti sabiex dan jagħti opinjoni dwar is-suġġett fi żmien perjodu raġonevoli. Huwa jinkludi lill-Kumitat tar-Reġjuni f’din il-proċedura tal-anqas jekk il-verifika tkun tikkonċerna partit politiku Ewropew rappreżentat fil-Kumitat tar-Reġjuni.

Dan il-kumitat għandu jikkonsisti minn tliet membri, bil-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaħtru membru kull wieħed fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-ewwel sessjoni tal-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Is-segretarjat u l-finanzjament tal-kumitat għandhom ikunu pprovduti mill-Parlament Ewropew.

Dan il-kumitat għandu jikkonsisti minn tliet membri, bil-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaħtru membru kull wieħed fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tal-ewwel sessjoni tal-Parlament Ewropew wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Is-segretarjat u l-finanzjament tal-kumitat għandhom ikunu pprovduti mill-Parlament Ewropew. Is-segretarjat u l-finanzjament tal-kumitat għandhom ikunu pprovduti mill-Parlament Ewropew.

Raġuni

Id-dimensjoni reġjonali tinsab ukoll fost il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni; għalhekk ikun loġiku li l-Kumitat tar-Reġjuni jkollu huwa wkoll rwol fil-proċedura ta’ verifika tar-rispett tal-valuri fundamentali tal-UE, tal-anqas jekk il-partit ikkonċernat ikun rappreżentat fil-KtR.

Emenda 3

L-Artikolu 18(4)

Projbizzjoni ta’ finanzjament

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

(4)   Il-projbizzjoni tal-finanzjament ma tirrigwardax l-appoġġ li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzojonijiet politiċi Ewropej jagħtu lill-kampanji marbutin mal-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej.

Raġuni

Mhuwiex biss waqt il-kampanji elettorali tal-Parlament Ewropew li l-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej għandhom bżonn jagħmlu kuntatt u jikkomunikaw maċ-ċittadini tal-Unjoni, iżda wkoll bil-promozzjoni tal-valuri Ewropej fiż-żmien li jissepara l-kampanji elettorali, pereżempju fl-okkażjoni tal-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej.

Brussell, 31 ta’ Jannar 2013.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  CdR 355/2010.

(2)  CdR 120/2005.

(3)  R/CdR 1030/2012 punt 7.

(4)  CdR 283/2011.

(5)  CdR 170/2010 punt 17. Ara wkoll CdR 355/2010 punt 37.