ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.011.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 11

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
15ta' Jannar 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-484 sessjoni plenarja tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012

2013/C 011/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar  Aktar Ewropa — biex titressaq quddiem is-Summit Ewropew li ser isir fit-22 u t-23 ta’ Novembru 2012

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-484 sessjoni plenarja tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012

2013/C 011/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-parteċipazzjoni tal-għaqdiet tal-konsumaturi fl-istabbiliment u l-operat tas-suq uniku (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

3

2013/C 011/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Prinċipji, proċeduri u azzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat ta’ Lisbona (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

8

2013/C 011/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-persuni mdaħħlin fl-età fis-soċjetà (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

16

2013/C 011/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tisħiħ tal-awtonomija soċjali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini tar-Roma fl-Ewropa (opinjoni addizzjonali)

21

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-484 sessjoni plenarja tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012

2013/C 011/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tat-trattament tal-vawċersCOM(2012) 206 final — 2012/0102(CNS)

27

2013/C 011/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VATCOM(2012) 428 final — 2012/0205 (CNS)

31

2013/C 011/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), fir-rigward tal-interazzjoni tiegħu mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru …/… li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kredituCOM(2012) 512 final — 2012/0244 (COD) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Pjan Direzzjonali lejn Unjoni BankarjaCOM(2012) 510 final

34

2013/C 011/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Green Paper — L-ibbankjar parallelCOM(2012) 102 final

39

2013/C 011/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għall-akkwist elettronikuCOM(2012) 179 final

44

2013/C 011/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)COM(2012) 209 final

49

2013/C 011/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej — Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbirCOM(2012) 225 final

54

2013/C 011/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta’ investimentCOM(2012) 352 final — 2012/0169 (COD)

59

2013/C 011/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegiCOM(2012) 173 final

65

2013/C 011/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Id-Dimensjoni Esterna tal-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-UECOM(2012) 153 final

71

2013/C 011/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew ta’ ViċinatCOM(2011) 838 final u COM(2011) 839 final

77

2013/C 011/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinjaCOM(2011) 844 — 2011/0412 (COD)

81

2013/C 011/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għat-taxxa fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KECOM(2012) 465 final — 2011/0341/b (COD)

84

2013/C 011/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji fil-meded (żoni) tas-sajd u jemenda r-Regolament (KE) Nru 88/98COM(2012) 447 final — 2012/216 (COD)

85

2013/C 011/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill: Il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (Riformulazzjoni)COM(2012) 403 final - 2012/0196 (COD)

85

2013/C 011/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħarCOM(2012) 432 final — 2012/0208 (COD)

86

2013/C 011/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura EwropeaCOM(2012) 413 final — 2012/0201 (COD)

86

2013/C 011/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fejn tiċċara d-dispożizzjonijiet dwar l-għażla taż-żmien tal-irkant tal-kwoti tal-gassijiet serraCOM(2012) 416 final - 2012/0202 (COD)

87

2013/C 011/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti miżuri tekniċi u ta’ kontroll fi Skagerrak u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/98 u r-Regolament (KE) Nru 1342/2008COM(2012) 471 final — 2012/0232 (COD)

87

2013/C 011/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE li tirrigwarda l-għaselCOM(2012) 530 final — 2012/0260 (COD)

88

2013/C 011/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Emenda għall-proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 628 final/2 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuniCOM(2012) 551 final — 2012/0260 (COD)

88

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-484 sessjoni plenarja tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012

15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “ ‘Aktar Ewropa’ — biex titressaq quddiem is-Summit Ewropew li ser isir fit-22 u t-23 ta’ Novembru 2012”

2013/C 11/01

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (laqgħa tal-15 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta din ir-riżoluzzjoni b’187 vot favur, 28 vot kontra u 28 astensjoni.

Il-KESE jiddikjara li fid-dawl tal-kriżijiet kontinwi, l-UE trid treġġa’ lura l-fiduċja f’mudell ta’ tkabbir dinamiku u fil-leġittimità fil-proċess tagħha tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Irridu nibnu Ewropa b’saħħitha, sostenibbli, soċjali u kompetittiva.

Għalhekk, il-KESE jitlob għal:

Aktar Ewropa”, li ssaħħaħ b’mod reċiproku u hija iktar b’saħħitha mis-somma tal-partijiet kollha tagħha. L-UE trid toħroġ min-nassa li titqies bħala ras il-mewt li ġġib magħha l-awsterità, ir-rigressjoni soċjali u l-faqar. L-unjoni monetarja issa trid tiġi akkumpanjata minn unjoni politika, li jkollha politika koerenti għall-ekonomija, il-finanzi, l-impjiegi u l-qasam soċjali favur iċ-ċittadini. Il-baġit tal-UE jrid jieħu forma li toffri stimoli adatti biex jiffavorixxu l-kompetittività, it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-baġit tal-UE jrid jissaħħaħ u jiġi appoġġjat minn mekkaniżmi tar-riżorsi proprji tiegħu, politika ta’ koeżjoni unika li tinvolvi b’mod attiv is-soċjetà ċivili u rwol iktar intervenzjonista għall-Bank Ewropew tal-Investiment. Bħala konsegwenza, il-KESE jappella lill-kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet li jiksbu riżultat li jilħaq dawn il-ħidmiet fis-Summit Ewropew tat-22 u t-23 ta’ Novembru.

Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-tfassil tal-politiki u d-deċiżjonijiet tal-UE. Din il-parteċipazzjoni hija strument ewlieni mhux biss għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet Ewropej u l-azzjoni tal-UE, iżda wkoll għat-tħeġġiġ tat-tkabbir ta’ fehim komuni dwar ir-raġuni għala teżisti l-Ewropa u ’l fejn sejra, u r-restawr tal-fiduċja fil-proġett tal-UE billi jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej jaqdu r-rwol sħiħ tagħhom fil-bini tal-Ewropa. Għaldaqstant hija dejjem ikar urġenti l-implimentazzjoni rapida tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-UE fir-rigward tal-pilastru tad-demokrazija parteċipattiva.

L-investimenti sostenibbli fil-ħiliet, l-infrastruttura, l-ekonomija soċjali, is-servizzi u l-prodotti għandhom jiġu inklużi fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma fil-għamla ta’ patt soċjali ta’ investiment, flimkien ma’ pakkett ta’ miżuri ta’ rkupru Ewropej li għandu jkun iffukat fuq il-ħolqien ta’ impjiegi reali u kkoordinat ma’ pjani nazzjonali ta’ żvilupp. Huwa biss b’dan il-mod li l-Istrateġija Ewropa 2020 tista’ titwettaq bis-sħiħ. L-investimenti fl-enerġija intelliġenti u l-produzzjoni industrijali li ma jagħmlux ħsara lill-klima, flimkien mal-ħolqien ta’ ekonomija ekoloġika se jikkontribwixxu biex jiġu solvuti l-problemi fit-tul tat-tibdil fil-klima u biex jiġi assigurat l-iżvilupp sostenibbli.

Promozzjoni ta’ azzjonijiet komuni fiż-żona tal-euro sabiex jiġi stabbilizzat id-dejn u appoġġjat l-irkupru fl-UE kollha. Il-BĊE għandu jiġi mħeġġeġ biex jimplimenta l-programm tax-xiri ta’ bonds tiegħu mmirat lejn l-istabbilizzar tal-ispejjeż tas-self taż-żona tal-euro kif imħabbar mill-President tiegħu. F’dan ir-rigward, naturalment il-programm irid isir b’rispett tal-mandat tal-BĊE. Il-BEI għandu wkoll jiġi appoġġjat biex joħroġ bonds għall-proġetti sabiex jitħeġġeġ it-tkabbir. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni ta’ 11-il Stat Membru biex jintroduċu Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji. F’dan il-kuntest huwa jitlob lill-UE biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tippromovi t-trasparenza u tindirizza l-ekonomija informali, il-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni fi ħdan u barra mill-UE. L-attività fiż-żona tal-euro għandha tibqa’ miftuħa għal dawk l-Istati Membri li jridu jissieħbu fl-Unjoni Monetarja.

Unjonijiet Fiskali, Bankarji u Finanzjarji li jkunu l-pilastri neċessarji ta’ appoġġ ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja. Sabiex jiġu implimentati dawn il-miżuri hemm bżonn ta’ djalogu soċjali u djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata.

Appoġġ għall-SMEs sabiex jerġgħu jaqbdu t-triq tat-tkabbir bl-SBA bħala gwida. Il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku jrid jiġi rilaxxat, anke li jinfetħu s-servizzi u r-rwol tal-ekonomija soċjali; it-tneħħija tal-piżijiet amministrattivi inutli u l-promozzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni u għat-teknoloġiji l-ġodda diġitali, għall-fondi, il-kreditu, is-swieq kapitali, ix-xogħol u t-tekonoloġija u l-istrumenti finanzjarji tal-UE u l-garanziji ta’ self għall-SMEs u l-imprendituri.

Bil-għan li jiġu rispettati l-protezzjoni u d-drittijiet tal-konsumaturi, b’mod partikolari dawk l-aktar żvantaġġati li jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ dejn eċċessiv, ta’ prekarjetà kif ukoll ta’ faqar estrem u ta’ esklużjoni.

Il-ħolqien ta’ suq tax-xogħol ġenwin li jippermetti l-mobbiltà u l-użu tal-għafien espert fejn ikun hemm bżonn. It-tlestija ta’ suq uniku tax-xogħol għandha tkun parti integrali mill-implimentazzjni tal-Istrateġija Ewropa 2020.

Nagħtu opportunità liż-żgħażagħ tagħna: il-KESE se jkompli jħeġġeġ lill-UE biex tippromovi Ewropa tar-riċerka u l-innovazzjoni, biex tinvesti aktar fis-sistemi edukattivi Ewropej u biex iżżomm ir-riżorsi neċessarji għall-finanzjament u t-tisħiħ tal-programmi ta’ mobilità taż-żgħażagħ, bħall-ERASMUS. Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tirtira l-proposta tagħha tal-baġit tal-UE jekk l-Istati Membri, li l-ħin kollu jitkellmu dwar investiment u tkabbir, ma jappoġġjawx baġit tal-UE u qafas finanzjarju pluriennali favur l-investiment fil-ġejjieni. Jeħtieġ li jiġu adottati miżuri biex jiġu appoġġati l-SMEs sabiex jimpjegaw liż-żgħażagħ li huma qiegħda u forsi huma neqsin mill-esperjenza.

Tisħiħ tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea permezz ta’ innovazzjonijiet u finanzjament stabbli għar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll politika ta’ taħriġ u ta’ akkumpanjament speċifika għall-SMEs u tal-mikrointrapriżi u l-impjegati tagħhom, politika ta’ appoġġ għall-investimenti, għall-aċċess għas-swieq u għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Dan se jiffaċilita wkoll it-tiġdid tal-industrija Ewropea bħala settur importanti għat-tkabbir u l-impjiegi.

L-UE teħtieġ ambjent legali favorevoli, li ma joħloqx spejjeż amministrattivi u ta’ konformità mhux meħtieġa. Il-leġislazzjonijiet ekonomika għandha tkun ċara, ġusta u proporzjonata. Dan huwa importanti għal kull intrapriża, iżda għall-SMEs b’mod partikolari.

Għandu jsir sforz speċjali sabiex l-UE titqies bħala msieħba attiva u globali. F’dan ir-rigward, il-politika kummerċjali internazzjonali hija importanti wkoll u għandha tħeġġeġ il-valuri tal-UE favur l-iżvilupp sostenibbli u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili billi, fost affarijiet oħra, jitwaqqfu korpi tas-soċjetà ċivili inkarigati mill-monitoraġġ tal-implimentaazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali.

Garanzija ta’ bilanċ bejn is-sessi, bl-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs. Id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għall-istess xogħol hija ta’ 17 %. Barra minn hekk, in-nisa u ż-żgħażagħ huma dawk li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi.

Brussell, 15 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-484 sessjoni plenarja tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012

15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/3


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-parteċipazzjoni tal-għaqdiet tal-konsumaturi fl-istabbiliment u l-operat tas-suq uniku” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 11/02

Relatur: is-Sur Hernández BATALLER

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-parteċipazzjoni tal-għaqdiet tal-konsumaturi fl-istabbiliment u l-operat tas-suq uniku.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’141 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fil-kuntest attwali, fejn it-tkabbir ser idum biex jirritorna għal-livelli tal-passat, huwa essenzjali li l-konsumatur jitpoġġa fil-qalba tal-politiki ekonomiċi u finanzjarji tal-Unjoni Ewropea b’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”. Ir-rwol li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jaqdu fis-suq huwa importanti immens, u dawn l-organizzazzjonijiet iridu jkunu indipendenti u b’saħħithom u jrid ikollhom ir-riżorsi umani, materjali u tekniċi meħtieġa sabiex iwettqu l-missjoni tagħhom, jiġifieri li jiddefendu d-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi.

1.2

Id-dritt li l-konsumaturi jorganizzaw lilhom innifishom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom huwa rikonoxxut fil-liġi primarja permezz tal-Artikolu 169 tat-TFUE, li jirrikonoxxi legalment li, fil-livell Ewropew, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jaqdu rwol li xejn ma jista’ jeħodlu postu biex jiggarantixxu l-fiduċja u l-iżvilupp tas-suq uniku Ewropew.

1.3

Mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-inizjattiva sabiex tidentifika drittijiet minimi komuni għall-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, b’mod partikolari d-dritt li jiġu kkonsultati u mismugħa permezz tar-rappreżentanti tagħhom, definizzjoni legali u/jew amministrattiva tad-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi billi jiġu mismugħa u kkonsultati qabel ma jittieħdu miżuri li jaffettwaw id-drittijiet u l-interessi protetti mil-liġi, sew fil-livell nazzjonali u sew fil-livell Komunitarju, u d-dritt li jipparteċipaw fir-regolazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

1.4

Il-fatt li dawk li jipprovdu s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jaqsmu l-istess bażi komuni tal-konsumaturi ta’ dawn is-servizzi, fosthom ħafna konsumaturi vulnerabbli, jirrikjedi l-monitoraġġ tal-ispeċifiċitajiet ta’ kull suq (gass, ilma, elettriku, eċċ.) mingħajr ma tintilef il-viżjoni integrata ta’ dawn is-servizzi kollha fid-dawl tal-effetti li jista’ jkollhom fuq il-kwalità tal-ħajja u l-baġits tal-familji. L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi huma partikolarment adegwati biex jindirizzaw dawn l-aspetti. Għas-servizzi difettużi għandha tiġi stabbilita sistema li tixbah lil dik li teżisti għall-prodotti (RAPEX), b’tali mod li l-għaqdiet tal-konsumaturi jkunu jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi dwar l-eżistenza ta’ dawn is-servizzi permezz tan-netwerks tagħhom.

1.5

Teżisti diskrepanza enormi fl-aċċess għall-informazzjoni u l-għarfien espert dwar l-operat tas-swieq tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, fil-mod kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet, il-valuri u l-elementi li jagħmlu parti mill-aċċess għan-netwerks u l-mod kif dan kollu jaffettwa lill-konsumaturi. Huwa minnu li r-regolamentazzjoni hija teknika u kumplessa ħafna, però m’hemmx dubju li din hija ta’ interess għall-konsumaturi u għall-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom.

1.6

Normalment, il-konsumaturi jsibu aktar diffikultajiet biex jipparagunaw is-servizzi milli biex jipparagunaw il-prodotti. Dan il-paragun hu partikolarment kumpless għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Fil-każ ta’ dawn is-servizzi, it-termini kuntrattwali, bħall-metodu użat biex jiġu stabbiliti t-tariffi, ivarjaw ħafna. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ ċerti komponenti, minbarra s-servizz stess, għandha tiġi spjegata b’mod adegwat mill-korpi regolatorji, għandha tiġi diskussa mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi u trid tiġi mifhuma mill-konsumaturi.

1.7

Il-Kumitat jemmen li l-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lir-regolaturi nazzjonali biex jippromovu t-trasparenza, l-informazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet, filwaqt li jħeġġu d-diskussjoni dwar l-interessi inkwistjoni – provvista/domanda (setturi ekonomiċi regolati u konsumaturi) – u jappoġġjaw id-diskriminazzjoni pożittiva favur l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi sabiex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-forums ta’ diskussjoni u fil-korpi konsultattivi tar-regolatur bl-istess kundizzjonijiet bħall-atturi ekonomiċi, bil-għan li tingħata s-setgħa (“empowerment”) lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, u b’hekk, lill-konsumaturi stess.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-KESE, bħala korp Ewropew li jleħħen il-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jittama li b’din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja jagħmel enfasi fuq il-ħtieġa li tiġi adottata perspettiva umanista tas-suq uniku u li titħares id-demokrazija ekonomika (1), bil-konsegwenzi kollha li jirriżultaw b’mod partikolari rigward il-konsultazzjoni, il-parteċipazzjoni u t-trasparenza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar ir-regolazzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali, l-aċċess għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni, il-konsultazzjoni u r-rappreżentazzjoni tal-konsumaturi fir-regolazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, li hawnhekk jinkludu wkoll is-servizzi finanzjarji.

2.2

B’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, li għandha l-għan li tqiegħed lill-konsumatur fil-qalba tas-suq uniku bid-drittijiet kollha tiegħu, il-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jaraw li l-organizzazzjonijiet nazzjonali u Ewropej tagħhom huma kapaċi jipproteġuhom u għandhom il-mezzi, l-għarfien u l-istrumenti meħtieġa biex jiddefenduhom. Ir-regoli intiżi sabiex jassiguraw li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern għandhom bħala għan finali li jżidu l-benesseri tal-konsumatur (2).

2.3

Il-KESE jinnota li fil-kuntest attwali, huwa essenzjali li l-konsumatur jitpoġġa fiċ-ċentru tal-politiki tal-UE u tal-bini tas-suq uniku. Għal dan il-għan, huwa kruċjali li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jkunu indipendenti u b’saħħithom. Il-Kumitat diġà osserva li biex jinżamm il-bilanċ ekonomiku, jeħtieġ li dawn l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jaqdu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom bħala kontrapiż fis-suq, u rrakkomanda lill-Kummissjoni biex iżżid b’mod sinifikanti l-finanzjament tagħhom, b’mod partikolari biex ikunu jistgħu jiksbu l-mezzi ta’ speċjalizzazzjoni meħtieġa (3).

2.4

Il-Kumitat jenfasizza u jirrikonoxxi li d-diversità bejn l-Istati Membri hija riflessa wkoll fil-mod kif jitqies ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, fil-mod kif dawn jorganizzaw lilhom innifishom, fil-mezzi, il-livelli ta’ għarfien u l-ispeċjalizzazzjoni li jkollhom jew fir-rappreżentanza li jridu jiggarantixxu. Minkejja li jeżistu organizzazzjonijiet ta’ livell Ewropew (bħall-BEUC u l-ANEC), il-KESE jemmen li minħabba l-importanza tal-organizzazzjonijiet nazzjonali għall-konsumaturi u għas-suq uniku, huwa kruċjali li l-problemi tagħhom jiġu indirizzati mill-perspettiva tal-UE.

Barra minn hekk, il-KESE jippromovi wkoll il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-professjonisti u lill-konsumaturi bħala forma privileġġjata ta’ djalogu utli li fih jinsabu l-aktar soluzzjonijiet bilanċjati għall-iżvilupp tas-suq, u jappoġġja l-forums nazzjonali u Ewropej li għandhom dan l-għan.

3.   Konsumaturi Ewropej – organizzazzjonijiet rappreżentattivi nazzjonali

3.1

L-istituzzjonijiet Ewropej għarfu tajjeb ħafna l-importanza li għandha l-fiduċja tal-konsumaturi sabiex is-suq uniku jitwettaq b’mod sħiħ. Sa mill-adozzjoni tal-ewwel programm għal politika tal-ħarsien tal-konsumatur fl-1975 (4), fejn l-Istati Membri kkonfermaw li huma determinati li jżidu l-isforzi tagħhom favur il-konsumaturi, dejjem ġie rikonoxxut b’mod espliċitu d-dritt tal-konsumaturi li jiġu rappreżentati u mismugħa. Il-programmi konsekuttivi kkonfermaw dawn l-għanijiet u d-drittijiet sakemm ġew adottati l-hekk imsejħa “Pjani Strateġiċi ta’ Ħarsien tal-Konsumatur”, li jitkellmu dwar il-parteċipazzjoni adegwata tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fil-politiki tal-UE kemm mil-lat tal-kontenut kif ukoll mil-lat tal-proċedura.

3.2

Skont dawn il-Programmi u l-Pjani, il-konsumaturi u r-rappreżentanti tagħhom għandu jkollhom il-kapaċità u r-riżorsi meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jipproteġu l-interessi tagħhom fl-istess kundizzjonijiet bħall-partijiet l-oħra involuti fis-suq. Għaldaqstant, il-mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet fit-tfassil tal-politiki tal-UE għandhom jiġu riveduti.

3.3

Madankollu, il-Pjan Strateġiku attwali (5) ma jżommx it-tisħiħ tal-għaqdiet tal-konsumaturi fil-livell Ewropew bħala għan prinċipali tal-politika tal-konsumatur u jpoġġi l-enfasi fuq it-tisħiħ tal-movimenti tal-konsumaturi fl-Istati Membri. B’xorti ħażina, s’issa r-riżultat tal-għanijiet ta’ dawn il-Pjani rigward il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi qatt ma ġie evalwat fil-livell tal-UE.

3.4

Fl-aħħar snin, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew marru għal strateġija li tagħti s-setgħa (“empowerment”) lill-konsumaturi b’mod individwali, u ttamaw li b’hekk iħeġġu l-fiduċja mixtieqa fis-suq intern. Sabiex iwettqu din l-istrateġija, minn banda huma waħħdu r-reviżjoni tal-acquis dwar il-ħarsien tal-konsumatur mal-armonizzazzjoni massima fl-oqsma ewlenin tal-politika tal-konsumaturi, u mill-banda l-oħra żviluppaw kemm jista’ jkun it-teorija tal-konsumatur medju (6), jiġifieri individwu informat b’mod normali u attent u perspikaċi b’mod raġonevoli (7). F’dan il-kuntest, il-liġi hi bbażata fuq it-twemmin żbaljat li jeżisti konsumatur ideali, informat u konxju, meta l-istatistika turi li dan ma jeżistix.

3.5

Id-data disponibbli turi li ħafna konsumaturi jinsabu ’l bogħod milli jaqdu rwol attiv, informat u sod li jesiġi suq kompetittiv u innovattiv. Fil-verità, il-maġġoranza tal-konsumaturi Ewropej ma jħossuhomx kunfidenti, informati u protetti (8).

3.6

B’mod parallel, l-approċċ Ewropew qagħad wisq lura rigward il-konsumaturi b’mod kollettiv. L-UE ftit li xejn ħadmet f’dik li hi organizzazzjoni rappreżentattiva tal-konsumaturi. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta konkreta dwar l-azzjoni kollettiva, li hi strument ta’ importanza kbira għall-ħarsien tal-interessi tal-konsumaturi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew.

3.7

Id-dritt li l-konsumaturi jorganizzaw lilhom innifishom sabiex iħarsu l-interessi tagħhom jinsab fl-Artikolu 169 tat-Trattat. Għalhekk, huwa essenzjali li fil-livell Ewropew jiġi rikonoxxut li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jaqdu rwol uniku u insostitwibbli biex jiggarantixxu l-fiduċja u l-iżvilupp tas-suq uniku Ewropew. Dan jiġġustifika l-fatt li jiġu stabbiliti ċerti drittijiet u prinċipji bażiċi komuni, mingħajr ħsara għall-awtonomija tal-Istati Membri fid-definizzjoni tal-politiki nazzjonali.

3.8

F’Jannar 2011, il-Grupp Konsultattiv Ewropew tal-Konsumaturi (ECCG, European Consumer Consultative Group) inkluda l-punti li ġejjin fost ir-raġunijiet għaliex jinħtieġu organizzazzjonijiet tal-konsumaturi b’saħħithom:

a)

l-għadd ta’ deċiżjonijiet Ewropej b’impatt fuq il-konsumaturi fil-livell nazzjonali;

b)

il-fatt li l-għaqdiet tal-konsumaturi qed jiġu involuti dejjem aktar mill-istituzzjonijiet Ewropej;

c)

id-dritt tal-konsumaturi li jiġu mismugħa meta jkunu qed jitfasslu politiki li jolqtuhom;

d)

l-eżistenza ta’ żbilanċi bejn ir-riżorsi finanzjarji tar-rappreżentanti tal-professjonisti u tar-rappreżentanti tal-konsumaturi fil-qasam tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, li jwasslu biex l-għaqdiet korrispondenti jinfluwenzaw u jipparteċipaw inqas jew aktar fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (9).

Il-KESE diġà esprima l-fehma tiegħu dwar dan u hawnhekk itenni dak li qal dwar ir-rekwiżiti li għandhom jissodisfaw l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi (10).

3.9

Mingħajr organizzazzjonijiet tal-konsumaturi b’saħħithom, indipendenti mill-poteri politiċi u ekonomiċi, li jikkontribwixxu b’mod attiv f’suq ħieles u kompetittiv, li jesiġu informazzjoni trasparenti u li jaġixxu biex jiddefendu l-interessi individwali u kollettivi tal-konsumaturi, ikun aktar diffiċli li l-konsumaturi Ewropej ikollhom fiduċja.

4.   Id-dritt ta’ konsultazzjoni u ta’ parteċipazzjoni f’korpi li jirregolaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali

4.1

L-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi huma alleati kruċjali biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi u biex jinbena s-suq intern. Għalhekk, il-KESE jappella lill-Kummissjoni ħalli tieħu l-inizjattiva biex tipprovdi lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi drittijiet minimi komuni b’mod partikolari d-dritt li jkunu konsultati u d-dritt li jiġu mismugħa permezz tar-rappreżentanti tagħhom, definizzjoni legali u/jew amministrattiva tad-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi fir-rigward ta’ konsultazzjoni minn qabel dwar miżuri li jolqtu d-drittijiet tagħhom jew l-interessi mħarsa mil-liġi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, u d-dritt li jipparteċipaw fir-regolamentazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

4.2

Peress li mhux possibbli li f’din l-opinjoni jiġu diskussi l-aspetti kollha li għandhom jiġu garantiti għall-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi rilevanti, il-Kumitat jenfasizza:

a)

id-dritt li jiġu kkonsultati u mismugħa permezz tar-rappreżentanti tagħhom, b’rabta mad-definizzjoni legali u/jew amministrattiva tad-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi, billi jiġu mismugħa u kkonsultati qabel ma jittieħdu miżuri li jaffettwaw id-drittijiet u l-interessi protetti mil-liġi, sew fil-livell nazzjonali u sew fil-livell tal-Unjoni;

b)

id-dritt li jipparteċipaw fir-regolamentazzjoni settorjali, b’mod partikolari tas-servizzi ta’ interess ġenerali, li huma essenzjali għall-ħajja fis-soċjetà u li l-konsumaturi ma jistgħux verament jagħżlu jekk ikollhomx jew le.

4.3

Il-KESE jfakkar li t-Trattat ta’ Lisbona, fil-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, u l-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jinnotaw l-importanza tas-servizzi ta’ interess ġenerali għall-UE, li tistabbilixxi l-prinċipji li jiggwidaw l-approċċ tagħhom. Ifakkar ukoll li l-iskadenza stabbilita għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma setgħetx tiġi sodisfatta mis-suq biss (jew dan seta’ jsir biss f’kundizzjonijiet differenti rigward il-kwalità, is-sigurtà u l-aċċessibbiltà, it-trattament indaqs u l-aċċess universali) mingħajr intervent pubbliku. L-obbligu speċifiku ta’ servizz pubbliku huwa impost fuq il-fornitur permezz ta’ mandat ibbażat fuq kriterju ta’ interess ġenerali li jiżgura li s-servizz jiġi pprovdut f’kundizzjonijiet li jippermettulu jwettaq il-missjoni tiegħu (11).

4.4

Ħafna mis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħall-elettriku, il-gass, l-ilma jew il-komunikazzjoni, tradizzjonalment kienu pprovduti mill-Istati li kellhom in-netwerks ta’ provvista. Id-dibattitu dwarhom sikwit kien jiffoka fuq ir-riskju (saħħa, sigurtà, ambjent), il-politiki strateġiċi tar-riżorsi naturali nazzjonali jew il-proċessi ta’ liberalizzazzjoni tas-swieq, bħas-settur tal-enerġija.

4.5

Mill-perspettiva tal-konsumatur, il-kwistjonijiet prinċipali huma li tiġi garantita s-sigurtà tal-provvista u li jiġi żgurat l-aċċess tagħhom, filwqt li l-prezz huwa l-fattur determinanti u kważi uniku fl-għażla tal-konsumatur.

Jekk il-konsumaturi diġà jsibu aktar diffikultajiet biex jipparagunaw is-servizzi milli biex jipparagunaw il-prodotti, allura ser ikollhom aktar diffikultajiet meta jiffaċċjaw termini kuntrattwali li normalment ma jiġux spjegati b’mod adegwat, bħal ngħidu aħna l-metodu użat biex jiġu stabbiliti t-tariffi u l-prezzijiet, li huwa wiesa’ u jinkludi ħafna komponenti minbarra s-servizz inkwistjoni. Barra minn hekk, dan il-metodu la hu diskuss u lanqas mifhum mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi.

Għas-servizzi difettużi għandha tiġi stabbilita sistema li tixbah lil dik li teżisti għall-prodotti (RAPEX), b’tali mod li l-għaqdiet tal-konsumaturi jkunu jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-konsumaturi dwar l-eżistenza ta’ dawn is-servizzi permezz tan-netwerks tagħhom.

4.6

L-Osservatorju tas-Suq tal-Enerġija jaqsam il-prezz tal-enerġija fi tliet gruppi prinċipali: l-ewwel wieħed hu l-enerġija, it-trasport u d-distribuzzjoni (netwerks), it-tieni wieħed hu t-taxxi oħrajn u t-tielet wieħed hu l-VAT, u jipparaguna l-prezzijiet tal-Istati Membri. Minkejja li ma ġewx identifikati – kif għandu jsir – l-elementi speċifiċi li jsawru l-grupp imsejjaħ “taxxi oħrajn” f’kull Stat Membru, dan it-tip ta’ qsim tal-prezz huwa possibbli għal servizzi oħra ta’ interess ekonomiku ġenerali (l-ilma, il-komunikazzjoni), u għalhekk din l-informazzjoni tkun utli jekk tingħata b’mod dettaljat f’setturi oħra wkoll.

4.7

Il-Kummissjoni Ewropea wettqet studji dettaljati dwar il-prezz ta’ ċerti servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u enfasizzat id-data li ngħatat mill-Osservatorju tas-Suq tal-Enerġija. Hi tikkonkludi, fost affarijiet oħra, li:

a)

il-maġġoranza tal-Istati Membri għadhom qed jirregolaw il-prezzijiet tad-djar kollha, u l-prattiki tal-industrija – permezz ta’ kontijiet tal-elettriku kumplessi – qed jagħmluha diffiċli biex jidħlu kompetituri u fornituri ġodda li jippermettu lill-konsumaturi jibdlu l-fornitur tagħhom;

b)

it-tariffi jistgħu jirrappreżentaw sors addizzjonali importanti ta’ dħul, li l-valur tiegħu qed jiżdied u huwa rifless fil-fattura li jħallsu l-konsumaturi fid-djar u fl-industrija.

4.8

Il-verità hi li, minkejja l-bosta korpi regolaturi differenti u l-inċentivi Ewropej biex id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod trasparenti, teżisti diskrepanza enormi fl-aċċess li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom għall-informazzjoni u l-għarfien espert dwar l-operat tas-swieq tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, b’mod partikolari dwar il-mod kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet u l-valuri inklużi fihom, l-aċċess għan-netwerks u l-mod kif dan kollu jaffettwa lill-konsumaturi.

4.9

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-regolaturi nazzjonali biex jippromovu mhux biss it-trasparenza fl-informazzjoni u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, iżda wkoll il-bilanċ bejn l-interessi inkwistjoni – tas-setturi ekonomiċi regolati u tal-konsumaturi – filwaqt li jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-konsumaturi u d-diskriminazzjoni favurihom (pereżempju, permezz ta’ taħriġ speċifiku, azzjonijiet ta’ monitoraġġ, appoġġ finanzjarju).

4.10

Fil-fehma tal-KESE, il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fil-forums ta’ dibattitu u fil-korpi konsultattivi bl-istess kundizzjonijiet bħall-atturi ekonomiċi hija l-aktar strument adatt sabiex jiġi garantit li tingħata s-setgħa (“empowerment”) lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, u b’hekk, lill-konsumatur stess (12).

4.11

Madankollu, il-KESE jemmen li r-riskji (l-ewwel wieħed hu li l-organizzazzjonijiet jinżammu “f’gaġġa”) għandhom jixxejnu fid-dawl tal-importanza tal-ksib ta’ għarfien speċifiku dwar oqsma kumplessi b’impatt sinifikanti fuq il-kwalità ta’ ħajjet il-konsumaturi, li tista’ titħares biss permezz tar-rappreżentazzjoni effettiva tagħhom.

4.12

Il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi fil-korpi u l-forums ta’ dibattitu tar-regolaturi, b’enfasi fuq il-forums fejn jiġu diskussi t-tariffi u l-prezzijiet (13), tista’ u għandha titħeġġeġ mill-istituzzjonijiet Ewropej, mhux biss bħala turija tal-indipendenza u t-trasparenza fil-proċess regolatorju, b’mod partikolari rigward l-istruttura tat-tariffi, iżda wkoll bħala kontribut għaċ-ċittadinanza attiva u għall-iżvilupp ta’ organizzazzjonijiet tal-konsumaturi b’saħħithom.

4.13

Din il-kwistjoni titfaċċa daqsxejn ukoll meta fid-direttivi dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u tal-gass naturali (14) jingħad li, “filwaqt li jżommu l-indipendenza tagħhom, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi speċifiċi tagħhom stess u b’mod konsistenti mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, l-awtoritajiet regolatorji għandhom, fejn ikun il-każ, jikkonsultaw mal-operaturi tas-sistema ta’ trasmissjoni u, fejn ikun il-każ, jikkoperaw mill-qrib ma’ awtoritajiet nazzjonali relevanti oħra fit-twettiq tad-dmirijiet stabbiliti”. Madankollu, il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-konsumaturi u d-dibattitu magħhom mhumiex rakkomandati f’kull ambjent kompetittiv.

4.14

F’ambjenti kompetittivi, l-istruttura tat-tariffi taffettwa l-aċċess mhux biss tal-fornituri tas-servizzi iżda wkoll tal-konsumaturi, peress li tinfluwenza direttament il-prezz. Dan jista’ jwassal għall-esklużjoni jew l-immobbiltà tal-konsumaturi (15).

4.15

Ir-regolamentazzjoni ma kkunsidratx il-prezzijiet u l-ħtieġa li jsir dibattitu mar-rappreżentanti tal-konsumaturi dwar l-istrutturi tat-tariffi li fuqhom ikunu bbażati l-prezzijiet. Dawn l-aspetti huma nieqsa wkoll mill-atti legali tal-Unjoni dwar is-suġġett (pereżempju d-direttivi msemmijin). Madankollu, l-informazzjoni li jagħti b’mod sistematiku l-Osservatorju tas-Suq tal-Enerġija turi biċ-ċar li l-prezz ta’ dawn is-servizzi jinkludi spejjeż (taxxi u oħrajn) għall-konsumaturi u għall-intrapriżi stess li huma ta’ ħsara għall-kompetittività ta’ dawn tal-aħħar u li jżidu l-vulnerabbiltà tal-konsumaturi fi ħdan is-suq intern.

4.16

Jeżistu alternattivi rigward is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li għandhom impatt dirett fuq l-ispejjeż, li fl-aħħar mill-aħħar jinfluwenzaw il-prezz imħallas mill-konsumaturi. Il-KESE jqis li l-kompetizzjoni sana fis-suq uniku u l-ħarsien tal-konsumatur jiġġustifikaw l-intervent tal-istituzzjonijiet tal-UE biex jiggarantixxu aktar trasparenza fl-istabbiliment tal-prezzijiet tas-servizzi essenzjali ta’ interess ekonomiku ġenerali u biex isegwu l-evoluzzjoni tad-diversi komponenti u tariffi tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri u r-regolaturi nazzjonali għandhom jiġu mħeġġa jappoġġjaw il-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-konsumaturi u l-SMEs fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-istabbiliment tat-tariffi (16).

4.17

Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq ifakkar li jkun diffiċli li r-rappreżentazzjoni tal-konsumaturi tkun effikaċi jekk ma tiġix garantita l-possibbiltà ta’ azzjoni permezz ta’ rikorsi kollettivi. Għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni terġa’ tibda l-ħidma relatata mal-implimentazzjoni ta’ rikors kollettiv Ewropew.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 20.

(2)  Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Ġunju 2006, Ġabra tal-Ġurisprudenza tal-2006, p. II-01601.

(3)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 89.

(4)  L-Ewwel Programm Preliminari tal-Komunità għal Politika tal-Ħarsien u l-Informazzjoni tal-Konsumaturi, adottat mill-Kunsill fl-14 ta’ April 1975.

(5)  COM(2007) 99 final.

(6)  Li l-KESE kkritikaha ħafna fl-opinjonijiet tiegħu.

(7)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Jannar 2000 (Kawża C-220/98) – Estée Lauder Cosmetics vs Lancaster Group (mhux disponibbli bil-Malti), u Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 1998 (Kawża C-210/96) – Gut Springenheide u Tusky (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Consumer Empowerment in the EU, SEC(2011) 469 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Rapport tal-ECCG dwar l-indikaturi ta’ monitoraġġ tal-moviment tal-konsumaturi.

(10)  Ara l-punt 3.5 tal-Opinjoni tal-KESE: personalità ġuridika, mingħajr skop ta’ qligħ, ħarsien u rappreżentazzjoni tal-interessi tal-konsumaturi bħala għan statutorju prinċipali, operat intern demokratiku, awtonomija finanzjarja, indipendenza mill-poter politiku (ĠU C 221, 8.9.2005, p. 153, mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  COM(2011) 900 final.

(12)  Ta’ min jieħu nota tad-data miġbura fl-Ewrobarometru Nru 51.1 tal-1999, li kien fih il-mistoqsija: Fl-opinjoni tiegħek, liema waħda minn dawn il-funzjonijiet (10 alternattivi, fosthom “ma nafx”) għandha tkun il-prijorità tal-għaqdiet tal-konsumaturi? L-aktar tweġibiet frekwenti (medja tal-15-il Stat Membru ta’ dak iż-żmien) kienu: 1) it-tixrid tal-informazzjoni (26,8 %); 2) l-għajnuna u l-pariri prattiċi (25,4 %); 3) il-ħarsien tal-konsumatur (19,2 %); u 4) ir-rappreżentazzjoni tal-konsumaturi (7,3 %).

(13)  Fil-każ tas-servizzi pubbliċi essenzjali li ftit li xejn jinvolvu riskji għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi – illum il-ġurnata r-riskji fis-servizzi tat-telefon u tal-elettriku huma rari – il-prezz huwa fattur kważi uniku u determinanti fl-għażla tal-konsumatur.

(14)  Direttiva 2009/72/KE u Direttiva 2009/73/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55 u p. 94).

(15)  Ara l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72/KE.

(16)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 155.


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Prinċipji, proċeduri u azzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat ta’ Lisbona” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 11/03

Relatur: is-Sur JAHIER

Nhar l-14 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Prinċipji, proċeduri u azzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat ta’ Lisbona

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Settembru 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’168 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.

Xejn ma jista’ jseħħ mingħajr iċ-ċittadini, xejn ma jista’ jtawwal mingħajr l-istituzzjonijiet

Jean Monnet

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-Kumitat iqis ta’ importanza kbira l-iżvilupp ta’ proposti għal azzjoni konkreta sabiex id-diversi istituzzjonijiet tal-UE jaġixxu skont il-kompetenzi tagħhom biex jiddefinixxu miżuri adegwati għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Dan il-proċess għandu jitqies bħala opportunità biex jitkabbru u jissaħħu l-istrutturi tad-djalogu mas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew iżda anki f’dak nazzjonali, reġjonali u lokali.

1.2

Id-demokrazija rappreżentattiva tibqa’ fil-qofol tad-demokrazija. Id-demokrazija parteċipattiva hija approċċ kumplementari u mhux alternattiva għad-demokrazija rappreżentattiva, li fuqha huma bbażati s-soċjetajiet kollha tagħna. Bl-istess mod, id-djalogu ċivili mhux qed jikkompeti mad-djalogu soċjali, iżda kull wieħed minnhom għandu rwol speċifiku u partikolari ħafna, skont kif stabbilit fit-Trattat.

1.3

Jeħtieġ li tiġi stabbilita demokrazija parteċipattiva effettiva kif stipulat fit-TUE u li tirrifletti l-valuri u l-identità tal-Unjoni Ewropea. Minħabba l-kriżi ekonomika, soċjali u politika attwali, il-ħtieġa li l-Artikolu 11 ikun implimentat bis-sħiħ hija ta’ importanza kbira jekk l-Unjoni Ewropea trid issaħħaħ il-leġittimità demokratika tagħha f’għajnejn iċ-ċittadini tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar, huwa biss permezz ta’ iktar trasparenza, sens ta’ sjieda u l-parteċipazzjoni akbar miċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili organizzata fuq livell nazzjonali u Ewropew, li l-Ewropa se tkun kapaċi tevita l-estremiżmu, tiddefendi l-valuri demokratiċi tagħha u tistabbilixxi “komunità ta’ destin”.

1.4

L-implimentazzjoni tal-Artikolu 11(1) u (2) tat-TUE għandha titqies bħala opportunità deċiżiva sabiex nimxu lil hinn mill-proċessi eżistenti ta’ konsultazzjoni u parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, li ġew żviluppati fuq il-livell Ewropew sa mill-White Paper tal-2001 dwar il-Governanza Ewropea. Diġà ġew żviluppati mudelli varji ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, li wħud minnhom marru aktar lil hinn minn skambju tal-informazzjoni u jistgħu jiġu kkunsidrati bħala eżempji tajbin biex fuqhom jinbena djalogu ċivili Ewropew, konformi mal-Artikolu 11(1) u (2).

1.5

Il-KESE għalhekk jirrakkomanda li:

il-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq studju ddettaljat li jeżamina l-proċessi eżistenti għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki fuq livell Ewropew. Dan l-istudju għandu jivvaluta l-effikaċja tas-sistema attwali ta’ kooperazzjoni strutturata u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal qafas ġenerali dwar kif l-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-UE kollha jistgħu jimplimentaw l-Artikolu 11(1) u (2). Il-KESE u l-partijiet interessati rilevanti għandhom ikunu msejħa jikkontribwixxu għal dan l-istudju, fit-tfassil, l-implimentazzjoni u d-disseminazzjoni tar-riżultati;

ir-Reġistru tat-Trasparenza, li diġà huwa strument komuni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, għandu jiġi estiż biex jinkludi lill-Kunsill. Ir-Reġistru tat-Trasparenza jista’ fil-futur isir għodda utli għall-identifikazzjoni tal-partijiet interessati fid-djalogu ċivili Ewropew;

l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jistabbilixxu bażi tad-data unika b’informazzjoni dwar kuntatti, konsultazzjonijiet u djalogu mas-soċjetà ċivili. Għandu jiġi previst ukoll li jsir rapport annwali bħala għodda ta’ komunikazzjoni utli biex tintwera l-firxa tad-demokrazija parteċipattiva fl-UE;

il-KESE għandu jagħmel valutazzjoni interna sabiex jevalwa l-effikaċja, ir-rilevanza u l-perċezzjoni tal-kooperazzjoni tiegħu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ), bil-għan li jiġi identifikat fejn jista’ jsir titjib effettiv;

il-KESE għandu jiżviluppa bażi tad-data b’informazzjoni dettaljata dwar liema organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu involuti f’ħidmet il-KESE u f’liema funzjoni;

il-KESE għandu juża b’mod sħiħ il-Protokoll ta’ Kooperazzjoni ġdid iffirmat mal-Kummissjoni Ewropea fi Frar 2012, sabiex jiżdied l-involviment fid-definizzjoni tal-prijoritajiet Ewropej, il-programmi ta’ ħidma u politiki ewlenin;

il-KESE għandu jimpenja ruħu biex jirrevedi u jirrivitalizza ’l-Grupp ta’ Kuntatt mas-soċjetà ċivili Ewropea, sabiex tiġi estiża l-parteċipazzjoni u jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aħjar tal-Artikolu 11(1);

il-KESE għandu jimpenja ruħu biex jorganizza, flimkien ma’ partijiet interessati oħrajn rilevanti u mal-istituzzjonijiet tal-UE b’mod partikolari, avveniment annwali kbir sabiex jagħti kontribut għall-aġenda ta’ prijoritajiet tal-UE. L-impatt politiku ta’ avveniment bħal dan jista’ jkun imsaħħaħ li kieku kellu jsir b’mod parallel ma’ konferenza konġunta bejn il-parlamenti nazzjonali tas-27 Stat Membru flimkien mal-Parlament Ewropew. L-ewwel avveniment jista’ jiġi organizzat qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014. B’dan il-mod jissaħħaħ il-pont bejn iċ-ċittadini tal-Ewropa, l-elettorat u l-eletti.

1.6

Impenn sinifikattiv u dejjem aktar b’saħħtu tal-KESE fil-bini tal-ispazju pubbliku Ewropew jista’ għalhekk iħeġġeġ u jippromovi rwol dejjem aktar attiv tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 11(1) u (2) tat-TUE. B’hekk, il-proċessi u r-riżultati li jirriżultaw minn dan għandhom jiġu apprezzati mill-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej kollha.

2.   Introduzzjoni

2.1

Matul l-aħħar 12-il sena, il-KESE għamel progress sinifikanti fid-definizzjoni tad-djalogu ċivili Ewropew, tar-rwol kumplementari tiegħu fir-rigward tad-demokrazija rappreżentattiva u l-mod kif inhu differenti mid-djalogu soċjali. Id-djalogu ċivili ġie definit bħala proċess demokratiku u ta’ formazzjoni tal-opinjoni pubblika li jista’ jieħu diversi forom skont l-atturi involuti. Il-KESE qabel fuq definizzjoni tal-atturi u l-kunċetti tad-djalogu ċivili u dwar il-konnessjoni tiegħu mal-governanza parteċipattiva (1).

2.2

Il-KESE afferma wkoll mill-ġdid il-prinċipju tas-sussidjarjetà fuq livell Ewropew; ippropona sett preċiż ta’ 14-il kriterju kwantitattiv u kwalitattiv għall-evalwazzjoni tar-rappreżentanza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li ġew magħżula jipparteċipaw fid-djalogu ċivili orizzontali, vertikali u settorjali; u ddefinixxa b’mod preċiż id-differenzi bejn il-konsultazzjoni (proċess minn fuq għal isfel) u d-djalogu ċivili (proċess minn isfel għal fuq jew aktar ċirkolari). Il-KESE b’hekk ikkontribwixxa għall-kisbiet istituzzjonali li issa huma mħaddna fl-Artikolu 11 tat-TUE (2).

2.3

It-TUE, li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2009, japprova r-rikonoxximent formali tar-rwol tad-demokrazija parteċipattiva (djalogu ċivili, konsultazzjoni, l-Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini). L-Artikolu 11 (3) jibni fuq l-istituzzjoni ċentrali tad-demokrazija rappreżentattiva (l-Artikoli 10 u 12) (4), u jagħtiha iżjed saħħa, biex b’hekk jiġi espress mudell innovattiv Ewropew ta’ demokrazija.

2.4

Issa għandha ssir ħidma favur applikazzjoni konkreta tal-Artikolu 11. B’mod partikolari, jeħtieġ li jibda x-xogħol fuq il-paragrafi 1 u 2, minħabba li l-prattiki ta’ konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 issa huma żviluppati sew u l-Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini ġiet regolamentata (5). L-istorja tal-KESE għallmitna, fil-fatt, li sabiex ikollok strutturi ta’ djalogu effikaċi, jeħtieġ li jkun hemm qafas regolatorju preċiż kif ukoll kontinwità istituzzjonali.

2.5

F’Marzu 2010, il-KESE stieden lill-Kummissjoni “biex […] tippubblika Green Paper dwar id-djalogu ċivili li tkopri l-implimentazzjoni prattika tal-Artikoli 11(1) u 11(2), tikkunsidra l- prattika eżistenti, tiddefinixxi l-proċeduri u l-prinċipji b’mod aktar preċiż, tevalwahom u, flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ttejibhom b’mod partikolari billi toħloq strutturi definiti sew” (6). Sena wara, fl-2011, laqgħa straordinarja ospitata mill-Grupp III tal-KESE bit-tema “X’inhuma l-prospetti għad-demokrazija parteċipattiva fl-Ewropa?” reġgħet qajmet dawn it-talbiet u approvat Pjan Direzzjonali għal Demokrazija Parteċipattiva (7).

2.6

Il-KESE josserva li, apparti l-prattiki ta’ konsultazzjoni u r-regolamentazzjoni tal-Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2012, ma seħħet l-ebda evoluzzjoni fid-diversi istituzzjonijiet rigward id-dispożizzjonijiet dwar id-djalogu ċivili (Artikolu 11(1) u (2)) u li t-talba ta’ Green Paper dwar din it-tema għadha ma rċevietx tweġiba pożittiva.

2.7

Barra minn hekk, fl-Ewropa kollha nfirxet kriżi ekonomika strutturali, li tqajjem dubji dwar il-bażi li fuqha hija mibnija l-integrazzjoni tal-UE u li tgħin ukoll biex issaħħaħ fenomenu doppju u perikoluż. Minn naħa, bidla għal negozjati intergovernattivi għas-sejba ta’ soluzzjonijiet għall-kriżi, bi proliferazzjoni ta’ summits Ewropej; min-naħa l-oħra, distanza dejjem tikber bejn iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tagħhom, u l-istituzzjonijiet tal-UE. Ma’ dan imbagħad tiżdied l-idea mifruxa li l-UE mhux biss ma jirnexxilhiex tistabbilixxi mod kif toħroġ mill-kriżi, iżda timponi politiki ta’ awsterità li jolqtu liċ-ċittadini Ewropej kollha, bi djalogu kważi ineżistenti mad-diversi setturi tas-soċjetà ċivili organizzata fir-rigward tal-għażliet li jsiru. In-nuqqas ta’ fehim u d-distanza jidhru għalhekk li qed jiżdiedu, u dan iwitti t-triq għal xenarju perikoluż fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea stess jistgħu jitilfu l-leġittimità tagħhom.

2.8

Il-KESE huwa konvint li d-dinamiki maħluqa mit-TUE, kif ukoll il-varjetà u l-firxa tal-kwistjonijiet u tal-prijoritajiet issa inklużi fl-aġenda politika tal-Unjoni jeħtieġu rilanċ enerġetiku u determinat tal-metodu Komunitarju. Dan kollu jista’ jseħħ biss permezz ta’ tisħiħ u aġġornament ta’ metodu bħal dan, filwaqt li tissaħħaħ id-demokrazija parlamentari, li hija l-bażi fundamentali tal-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll permezz ta’ staġun ġdid ta’ impenn dirett tas-soċjetà ċivili li jkollu l-għan li jsaħħaħ l-identità Ewropea u jqajjem l-interess taċ-ċittadini. Involviment akbar tal-pubbliku permezz tad-djalogu ċivili, kemm fil-forom diretti tiegħu kif ukoll permezz tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, kif previst mill-Artikolu 11, qed isir sfida kruċjali għall-futur tal-proġett Ewropew. Fl-aħħar mill-aħħar hija kwistjoni ta’ sjieda, appoġġ, trasparenza u t-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-proċessi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet.

2.9

L-Artikolu 11 u l-implimentazzjoni tiegħu huma għalhekk strument ta’ valur sabiex id-demokrazija parteċipattiva titħaddem fil-prattika, u l-KESE bla dubju għandu l-esperjenza kollha meħtieġa biex jipproponi lilu nnifsu bħala katalizzatur ta’ dan il-proċess ta’ tisħiħ tal-ħajja demokratika Ewropea, b’koordinazzjoni mill-qrib mad-diversi istituzzjonijiet tal-UE u n-netwerks Ewropej u nazzjonali ewlenin tas-soċjetà ċivili organizzata.

2.10

Il-KESE huwa konxju li qed jirrifletti biss parti mid-diversità inerenti fit-terminu “soċjetà ċivili organizzata” (8) u proprju minħabba f’hekk, b’approċċ pragmatiku, ħa minn żmien ilu diversi passi sabiex ir-relazzjonijiet tiegħu mas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea jissejsu fuq bażi dejjem iktar wiesgħa. Fi żmien ta’ kriżi, il-KESE jsostni li t-tisħiħ ta’ “pont” bħal dan bejn l-istituzzjonijiet u s-soċjetà ċivili huwa aktar kruċjali milli kien qatt qabel, sabiex jakkumpanja l-għażliet politiċi strutturali u anke r-riformi istituzzjonali li l-UE hija mitluba li tagħmel sabiex ikollha futur.

2.11

L-Artikolu 11 kollu huwa messaġġ ċar ta’ fiduċja fil-valur miżjud ta’ ċittadinanza attiva, fil-valur tad-demokrazija parteċipattiva u fir-rwol li din jista’ jkollha fit-tisħiħ tas-sens ta’ sjieda taċ-ċittadin fil-proġett Ewropew, filwaqt li toħroġ opinjoni pubblika Ewropea dejjem aktar infurmata u konsistenti. L-Artikolu 11, billi jqiegħed it-tradizzjoni diġà stabbilita sew ta’ konsultazzjoni (paragrafu 3) fil-kuntest tal-pilastru parteċipattiv, jindika fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu bidla sinifikattiva lejn mudell aktar avvanzat ta’ djalogu strutturat.

2.12

Wara 15-il sena ta’ ħolqien ta’ teoriji u tfassil ta’ dokumenti importanti, li jinsabu fl-istess kompendju diġà msemmi (9), illum huma meħtieġa azzjonijiet u strumenti speċifiċi mmirati għal kull istituzzjoni tal-UE; madankollu, fl-istess waqt għandha tiġi żviluppata strateġija globali koordinata u koerenti biex tippermetti eżekuzzjoni aħjar tal-mira ġenerali tal-Artikolu.

2.13

Il-KESE javża kontra t-tentazzjoni li jiġi trasformat il-qafas preskrittiv tal-Artikolu 11 (b’mod partikolari l-paragrafi 1 u 2) f’xi ħaġa sempliċiment deskrittiva, daqslikieku kien ritratt ta’ dak li diġà jeżisti. Dan kieku ma jirriflettix l-intenzjonijiet tal-leġislatur, u lanqas ma jikkorrispondi mal-aspettattivi kbar tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea.

3.   Nibnu fuq il-prattika tajba li diġà teżisti

3.1

Il-KESE jsostni li biex jibdew jiġu żviluppati miżuri prattiċi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 11(1) u (2), ikun utli li wieħed jibni fuq il-prattika tajba li diġà teżisti.

3.2

Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, f’dawn l-aħħar għaxar snin, kibru b’mod progressiv il-forom ta’ kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Fil-parti l-kbira dawn huma prattiki ta’ konsultazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea.

3.3

Fil-livell tal-Kummissjoni, numru dejjem jiżdied ta’ direttorati ġenerali żviluppa għadd ta’ proċessi ta’ konsultazzjoni, b’miri, regolarità, daqs u impatti differenti. Dawn evolvew b’mod sostanzjalment indipendenti u ta’ sikwit inbidlu f’“forums konsultattivi” veri u proprji. Varjetà ta’ sitwazzjonijiet u riżultati li, f’ċertu każijiet, diġà ħadu forom pjuttost strutturati ta’ djalogu permanenti mas-soċjetà ċivili (10). Il-Kumitat jenfasizza li l-istruttura legali ta’ dawn il-konsultazzjonijiet m’għandhiex tiġi konfuża mal-bini ġdid ta’ djalogu ċivili, li jrid isir strutturat u jitpoġġa fuq bażi soda permanenti.

3.4

L-istrutturi li jeżistu jinkludu l-forum tal-UE dwar is-saħħa tad-DĠ Saħħa u Konsumaturi (SANCO); il-Pjattaforma għad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, il-grupp ta’ kuntatt tas-soċjetà ċivili tad-DĠ Żvilupp u Kooperazzjoni – EuropeAid (DEVCO) u d-Djalogu mas-Soċjetà Ċivili stabbilit mid-DĠ Kummerċ (TRADE).

3.5

Dan tal-aħħar forsi huwa l-mekkaniżmu ta’ djalogu strutturat settorjali l-aktar evolut, sew minħabba n-numru pjuttost vast ta’ atturi involuti (aktar minn 800 organizzazzjoni reġistrata), kif ukoll minħabba li kważi nofshom huma bbażati f’wieħed mill-Istati Membri u mhux fi Brussell. Huwa wkoll l-uniku mekkanimżu li għalih saret valutazzjoni esterna (11) min-naħa tal-istess DĠ Kummerċ.

3.6

It-tieni eżempju huwa l-“Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni” (12), li nħoloq fl-2009 permezz ta’ inizjattiva konġunta tal-KESE u tal-KE. Il-forum hu magħmul fuq bażi stabbli ta’ madwar mitt parti interessata Ewropej u nazzjonali, u fih jipparteċipaw b’mod kostanti l-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri. Wara bidu diffiċli, illum sar ċentru ta’ djalogu strutturat dwar l-evoluzzjoni prattika tal-aġenda Ewropea dwar il-politiki ta’ integrazzjoni, b’mod speċjali fil-fażi ex ante.

3.7

It-tielet eżempju huwa l-forums tas-soċjetà ċivili fil-kuntest tas-sistema kumplessa tar-relazzjonijiet esterni tal-UE. Niftakru, b’mod partikolari, fis-suċċess tal-kumitati konsultattivi konġunti li ġew stabbiliti fil-kuntest tan-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE, ir-rwol tal-kumitat konsultattiv Cariforum-UE fil-monitoraġġ tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika speċifiku bejn l-UE u l-Cariforum, u r-rwol tas-soċjetà ċivili mħaddan fil-qafas tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea.

3.8

Il-każ tal-Ftehim ta’ Cotonou (13) huwa forsi l-aktar wieħed kumpless u strutturat, kemm minħabba n-numru ta’ pajjiżi u partijiet interessati involuti, kif ukoll minħabba n-numru ta’ azzjonijiet meħuda. Jirrikonoxxi b’mod formali ir-rwol kumplementari u l-kontribut potenzjali tal-atturi mhux statali [definiti bħala s-settur privat, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u s-soċjetà ċivili] għall-proċess tal-iżvilupp (14). Il-KESE ngħata l-mandat speċifiku li jorganizza laqgħat regolari mal-atturi soċjoekonomiċi tal-AKP u l-UE. Barra minn hekk, ġie żviluppat programm speċifiku ta’ appoġġ finanzjarju fid-diversi pajjiżi, immaniġġjat mid-delegazzjonijiet tal-UE, bl-involviment dejjem akbar ta’ atturi bħal dawn u l-investiment fil-bini ta’ kapaċitajiet (15).

3.9

Fl-aħħar niġbdu l-attenzjoni għall-Agora taċ-Ċittadini tal-Parlament Ewropew. Dan organizza, għalkemm mhux b’mod regolari u b’riżultati varjati, tliet laqgħat tematiċi minn mindu tnediet l-inizjattiva fl-2007, bil-parteċipazzjoni wiesgħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea (16). Il-ħidma bħalissa hija s-suġġett ta’ valutazzjoni speċifika fi ħdan il-Parlament Ewropew, bir-rikonoxximent tal-ħtieġa li titnieda mill-ġdid f’forma iżjed effettiva fil-futur.

3.10

Ta’ min jinnota wkoll xi eżempji fuq livell internazzjonali ta’ parteċipazzjoni effettiva tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet. Dawn jinkludu l-Konvenzjoni ta’ Aarhus (17) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kodiċi ta’ Prattika Tajba għall-Parteċipazzjoni Ċivili fil-Proċess ta’ Teħid ta’ Deċiżjonijiet adottat mill-Konferenza tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Internazzjonali (INGOs) tal-Kunsill tal-Ewropa (18).

3.11

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tipprevedi mhux biss li l-pubbliku u l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili jkollhom id-dritt għal “aċċess għal informazzjoni ambjentali” minn awtoritajiet pubbliċi, iżda wkoll id-dritt għal “parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali” u l-possibbilità li l-pubbliku jkollu d-dritt jikkontesta d-deċiżjonijiiet pubbliċi. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jistgħu jinnominaw membri għall-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni u jistgħu jiġu rappreżentati fil-Bureau. Fl-aħħar nett, appoġġ finanzjarju huwa disponibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.12

Fir-rigward tal-Kunsill tal-Ewropea, il-Kodiċi ta’ Prattika Tajba, rikonoxxut mill-Kumitat tal-Ministri, għandu l-għan li jtejjeb il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali. Il-Kodiċi jsemmi erba’ livelli differenti ta’ parteċipazzjoni (informazzjoni, konsultazzjoni, djalogu u sħubija) li jistgħu jintużaw bħala matriċi kemm mis-soċjetà ċivili kif ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi.

3.13

Hemm ukoll eżempji tajbin fuq livell reġjonali u nazzjonali. Fost dawn tispikka l-‘Grenelle Environnement’ Franċiża, maħluqa fl-2007 b’inizjattiva tal-President Franċiż (19). Il-forum għaqqad flimkien rappreżentanti tal-Istat, awtoritajiet lokali, NGOs u lill-imsieħba soċjali fi proċess ta’ djalogu u sħubija, li eventwalment wassal għal żewġ pakketti sinifikanti ta’ liġijiet ambjentali, fl-2008 u fl-2010 rispettivament. Barra minn hekk, wara proposta tal-‘Grenelle Environnement’, fl-2008 l-isem tal-KES Franċiż inbidel għal Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali u ġew maħtura membri li jirrappreżentaw dan il-qasam (20). Fl-aħħar nett, għandhom jissemmew forom oħra ta’ djalogu ċivili stabbiliti fil-livell nazzjonali u lokali, bħal pjattaformi ta’ kooperazzjoni, patti, protokolli u ftehimiet ta’ kooperazzjoni, eċċ., li għandhom jiġu sfruttati b’mod adatt.

4.   Lezzjonijiet u opportunitajiet li għandhom jiġu żviluppati

4.1

Is-sitwazzjoni attwali hija xhieda ta’ eżempji ta’ interess straordinarju li, fil-fatt, marru lil hinn sew mill-forom standard ta’ sempliċi konsultazzjoni. F’diversi każijiet wasslu għal proċessi aktar stabbli u artikolati ta’ parteċipazzjoni attiva u ta’ konsolidazzjoni ta’ forom ta’ kooperazzjoni li jipprevedu forom possibbli ta’ djalogu ċivili strutturat, kif preskritt mill-Artikolu 11 tat-TUE. Dawn il-prattiki madankollu mhumiex magħrufa biżżejjed barra miċ-ċirku tal-esperti ta’ kull qasam u jeħtieġ li jiġu vvalutati, promossi aktar u estiżi, filwaqt li għandhom jingħataw ukoll aktar stabilità.

4.2

Kif dawn il-forums se jiġu perċepiti mid-diversi partijiet interessati, b’mod partikolari fir-rigward tal-effettività taghħhom, jiddependi wkoll minn għadd ta’ fatturi: mil-livell pjuttost diversifikat tas-sjieda tal-proċess, mil-livell perċepit ta’ rappreżentanza tal-partijiet interessati (21), mill-kundizzjonijiet finanzjarji li jappoġġjaw jew ma jappoġġjawx il-parteċipazzjoni anke ta’ entitajiet anqas strutturati u mhux preżenti fi Brussell, mill-kapaċità teknika li jkun hemm kontribut attiv fid-diskussjoni u l-assigurazzjoni ta’ segwitu għall-proċess, u mill-kontinwità tal-investiment operattiv imwettaq mill-istituzzjonijiet tal-UE.

4.3

Jeħtieġ li jiġu enfasizzati xi aspetti importanti ta’ dawn il-proċessi:

dawn ipproduċew prattiki ta’ ħidma li maż-żmien saru standards aċċettati u użati b’mod wiesa’, u jipprovdu rikkezza li għandha tiġi studjata u vvalutata;

il-parti l-kbira tagħhom jinvolvu sensiela estensiva ħafna ta’ partijiet interessati, li normalment ma jkunux minn familja jew settur wieħed biss ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, iżda ta’ spiss jiġu inklużi esponenti li jikkorrispondu għal dawk li jinsabu fi ħdan il-KESE: organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, tal-ħaddiema, tal-korpi li jirrappreżentaw atturi soċjoekonomiċi, ċiviċi, professjonali u kulturali oħra;

f’diversi każijiet huma involuti aktar minn istituzzjoni u/jew entità waħda tal-UE, anke jekk bi rwoli differenti, u f’ċerti każijiet dan joħloq effett ta’ netwerk bejn l-istituzzjonijiet differenti li għandu jiġi żviluppat aktar;

f’dan il-proċess ta’ kooperazzjoni strutturata hemm dejjem aktar parteċipazzjoni – f’firxa wiesgħa ta’ għamliet – tar-rappreżentanti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili nazzjonali, flimkien ma’ organizzazzjonijiet Ewropej. Madankollu, għad jonqos ħafna xi jsir għal involviment akbar tal-livell lokali u nazzjonali tas-soċjetà ċivili tas-27 Stat Membru (22).

4.4

Dawn l-osservazzjonijiet jiżvelaw massa kritika potenzjali li, jekk tiġi implimentata b’mod sistematiku u ssir magħrufa b’mod adatt, tista’ tirrappreżenta pass importanti għall-bini tad-demokrazija parteċipattiva f’livell Ewropew. Fi kwalunkwe każ, dan jippermetti li dan il-pilastru tad-demokrazija Ewropea jkun viżibbli, kemm f’għajnejn il-pubbliku kif ukoll ġewwa d-diversi istituzzjonijiet. B’hekk, il-volum tal-kontribut tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej u l-isforzi li l-UE ilha tagħmel għal xi żmien isiru aktar magħrufa u jiġu apprezzati aktar.

4.5

Il-KESE għalhekk jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea, bil-kollaborazzjoni attiva tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha, tniedi studju ħafna ikbar u aktar iddettaljat.

4.6

Wara għaxar snin mill-White Paper dwar il-governanza Ewropea (23), studju bħal dan għandu joffri evalwazzjoni aktar kompleta tar-riżultati miksuba, l-impatt tanġibbli fuq il-proċess leġislattiv, l-iżviluppi mhux mistennija li saru u li ġew sperimentati, il-problemi li nstabu, in-nuqqasijiet u l-inkongruwenza li ġew innotati, u l-ispejjeż, filwaqt li jidentifika, fl-aħħar, l-elementi neċessarji sabiex ikun hemm parteċipazzjoni iktar adatta u estiża. L-istudju għandu jevalwa wkoll l-effikaċja konkreta u l-ambitu tas-sistema attwali ta’ kooperazzjoni strutturata mas-soċjetà ċivili, u jikkunsidra modi kif tista’ ssir iktar effettiva. Għandu jqis ukoll il-prattiki tajba li jistgħu jiġu promossi u kif dawn jistgħu jiġu żviluppati aktar. Għandu jevalwa kif u sa liema punt din il-massa ta’ xogħol sinifikattiva hija magħrufa u perċepita barra miċ-ċirku tal-gruppi ta’ esperti, u kif tikkontribwixxi għat-twessigħ tal-parteċipazzjoni demokratika u ssaħħaħ l-appoġġ għall-proġett Ewropew, u b’hekk għat-tiswir ta’ spazju pubbliku Ewropew. L-istudju għandu jinkludi wkoll suġġerimenti għal valutazzjoni tal-impatt kemm mill-perspettiva tal-istituzzjonijiet kif ukoll mill-perspettiva tad-diversi partijiet interessati tas-soċjetà ċivili organizzata.

4.7

Mfassal fid-dawl tal-Artikolu 11 (24), u li għalhekk jinvolvi b’mod dirett u attiv l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, studju bħal dan jista’ jsir bażi tajba ta’ ħidma biex jiġu identifikati linji gwida u modi prattiċi oħra għall-iżvilupp tad-djalogu strutturat skont l-Artikolu 11 tat-TUE. B’hekk ikun jista’ joffri l-elementi meħtieġa għad-definizzjoni ta’ proposti operattivi suċċessivi u aktar preċiżi min-naħa tal-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, b’konformità mal-Green Paper imsemmija fil-punt 2.5 li l-importanza tagħha qed tiġi enfasizzata mill-Kumitat. L-istudju għandu jidentifika b’mod partikolari l-linji gwida u l-prattiki komuni li jista’ jkun hemm għall-istituzzjonijiet kollha, anke fir-rigward tal-awtonomija individwali tagħhom, bil-għan li jiġi żviluppat proċess mhux ambigwu, effettiv, inklużiv u trasparenti għall-parteċipazzjoni strutturata tas-soċjetà ċivili għall-bini tal-proġett Ewropew.

4.8

Il-KESE jista’ bla ebda dubju jikkontribwixxi hawnhekk, billi jislef l-għarfien espert u n-netwerks tiegħu: għandu jaqdi rwol attiv kemm fil-ħolqien kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-istudju, u wara fit-tixrid tar-riżultati, b’mod partikolari fis-27 Stat Membru.

4.9

Fit-23 ta’ Ġunju li għadda, il-KE u l-PE taw bidu għal reġistru komuni tat-trasparenza, li huwa s-suċċessur ta’ dak maħruġ mill-Kummissjoni fl-2008. Dan diġà jinkludi eluf ta’ organizzazzjonijiet, ġejjin minn kull parti tas-soċjetà ċivili Ewropea. Dawn l-organizzazzjonijiet iridu jipprovdu firxa pjuttost estensiva ta’ informazzjoni u jaħdmu biex jirrispettaw kodiċi ta’ kondotta komuni (25). Dan ir-reġistru uniku, komuni għaż-żewġ istituzzjonijiet, b’interess diġà muri mill-Kunsill biex jiġi inkluż fih, juri direzzjoni preċiża u rieda għal kooperazzjoni koordinata bejn l-istituzzjonijiet biex jipproċedu b’mod ikkoordinat fir-rigward ta’ kwistjoni daqshekk importanti u sensittiva għar-relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili.

4.10

Il-KESE jsostni li reġistru bħal dan, li llum huwa mmirat esklużivament lejn objettiv ta’ trasparenza fir-rigward ta’ min ikollu kuntatt mal-istituzzjonijiet tal-UE biex jinfluwenza l-politiki tagħhom, jista’ jsir b’mod progressiv għodda għall-identifikazzjoni tal-partijiet interessati fid-djalogu ċivili fir-rigward tal-kriterji ta’ rappreżentanza. Il-possibilitajiet li r-reġistru joħloq għall-iżvilupp ta’ djalogu ċivili strutturat għandhom għalhekk jiġu esplorati fil-kuntest tal-istudju li saret referenza għalih hawn fuq.

4.11

It-Trattat ta’ Lisbona jiftaħ ukoll twieqi ta’ opportunità ġodda relatati mal-Kunsill Ewropew. Dan issa sar struttura permanenti u l-President tal-Kunsill Ewropew issa huwa elett għal mandat ta’ sentejn u nofs, li jista’ jiġġedded. Dan joħloq il-bażi għall-istrutturar ta’ prospettiva aktar fit-tul u relazzjonijiet aktar stabbli mas-soċjetà ċivili organizzata. Il-Kunsill Ewropew huwa mistenni wkoll jissodisfa l-obbligu tal-Artikolu 11 tat-TUE. Il-fatt li llum dan huwa responsabbli biex jistabbilixxi l-linji gwida wiesgħa tal-politika tal-UE jagħmel aktar importanti mil-lat strateġiku l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni li tevolvi b’mod gradwali lejn djalogu ċivili strutturat. Il-KESE jikkunsidra li l-Kunsill għandu joħloq unità speċjali inkarigata mid-djalogu mas-soċjetà ċivili u, fil-qafas tal-funzjonijiet speċifiċi tiegħu, il-KESE huwa disponibbli biex jikkoopera mill-qrib mal-Kunsill għall-iżvilupp konkret ta’ din il-prospettiva.

5.   Ir-rwol tal-KESE

5.1

Fl-aħħar għaxar snin, anke l-KESE immodifika b’mod sostanzjali l-metodi ta’ ħidma tiegħu u fuq kollox kabbar l-involviment tal-partijiet interessati, l-esperti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea fix-xogħlijiet tiegħu.

5.2

Saru bidliet fl-aspetti kollha ta’ ħidmet il-KESE: l-aspett l-aktar tradizzjonali tal-ħidma tiegħu (l-opinjonijiet) bl-involviment dejjem jikber tal-esperti u ż-żieda kbira tas-seduti (ta’ tul li jvarja); l-istabbiliment tal-Grupp ta’ Kuntatt mal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili; id-diversi konferenzi u avvenimenti organizzati fi ħdan il-programmi tas-sezzjonijiet speċjalizzati, il-gruppi u l-presidenzi, kemm fi Brussell kif ukoll fl-Istati Membri tal-UE; ix-xogħol li sar fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 flimkien mal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u organizzazzjonijiet simili fl-Istati Membri; u fl-aħħar nett, l-istess firxa varjata ta’ attivitajiet fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-KESE.

5.3

Dik li toħroġ hija stampa ta’ relazzjonijiet u djalogi sostanzjali u dejjem iktar b’saħħithom ma’ firxa usa’ u iktar varjata ta’ atturi mis-soċjetà ċivili organizzata Ewropea: żvilupp fuq ħafna livelli u settorjali ħafna, fejn l-atturi diversi għandhom it-tendenza li ma jkunux konxji tal-azzjonijiet ta’ xulxin, u fuq kollox, il-potenzjal globali tagħhom ma jiġix sfruttat biżżejjed.

5.4

Minħabba f’hekk, il-KESE għandu jimpenja ruħu biex:

jippromovi analiżi aktar sħiħa tal-evoluzzjoni u l-prospetti tas-sistema tiegħu ta’ relazzjonijiet mas-soċjetà ċivili organizzata, maħsuba kemm biex tivvaluta l-effikaċja, ir-rilevanza u l-perċezzjoni tax-xogħol imwettaq, kif ukoll biex tindividwa l-evoluzzjonijiet possibbli u l-innovazzjonijiet meħtieġa, bil-għan li tiġi kwalifikata dejjem aħjar il-missjoni speċifika ta’ korp konsultattiv tal-UE u biex jissaħħaħ il-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 11 tat-TUE. Studju bħal dan għandu jsir bl-għajnuna ta’ istituti ta’ riċerka ta’ livell għoli u għandu jipprevedi metodi xierqa għall-involviment u l-kooperazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’livell Ewropew, sabiex jinġabru wkoll il-valutazzjonijiet u l-fehmiet ġenerali tagħhom.

jiżviluppa bażi tad-data speċifika u ċentralizzata tal-kuntatti, il-kompetenzi u l-organizzazzjonijiet kollha li kull sena jiġu involuti fix-xogħol tal-Kumitat, filwaqt li jsir ukoll tqassim skont it-tipi u valutazzjoni ta’ liema inizjattivi possibbli (stqarrijiet konġunti u/jew djalogu annwali mal-kuntatti kollha) jistgħu jiġu żviluppati sabiex din is-sistema ta’ relazzjonijiet tkun aktar b’saħħitha;

u fl-aħħar nett, jipproponi lid-diversi istituzzjonijiet tal-UE biex joħolqu bażi tad-data unika għas-sistema kollha ta’ relazzjonijiet u djalogi mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili żviluppati mill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-possibbiltà li jitfassal rapport annwali adatt li jkun aċċessibbli għall-partijiet interessati nazzjonali u Ewropej kollha (26).

5.5

Il-KESE għandu joħloq is-sinerġiji utli kollha mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni tajba tal-Artikolu 11. Għal dan il-għan il-KESE jtenni l-impenn tiegħu li jiftaħ prospetti ta’ xogħol ġodda mal-Kunsill Ewropew u li jsaħħaħ u jwessa’ l-opportunitajiet kollha ta’ kooperazzjoni diġà eżistenti mal-Parlament Ewropew, mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Kumitat tar-Reġjuni.

5.6

Il-Protokoll il-ġdid ta’ kooperazzjoni ffirmat mill-KESE mal-Kummissjoni Ewropea  (27), li jikkonsolida u jsaħħaħ ir-rwol tal-KESE bħala intermedjarju privileġġat bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tal-UE, joffri għadd kbir ta’ opportunitajiet li għandhom jiġu żviluppati b’konvinzjoni. Dan il-Protokoll jikkonsolida u jsaħħaħ l-oqsma ta’ kooperazzjoni żviluppati fis-snin li għaddew u jistabbilixxi toroq konkreti ġodda u ambizzjużi li jwasslu għal applikazzjoni progressiva u konġunta tal-Artikolu 11 tat-TUE, bil-għan li tiġi żviluppata “demokrazija parteċipattiva fil-livell tal-Unjoni bil-għan li jsaħħu l-leġittimità demokratika tagħha” (28). B’mod partikolari, “il-Kummissjoni tqis din il-kooperazzjoni bħala għodda privileġġata għall-organizzazzjoni ta’ djalogu miftuħ, trasparenti u regolari ma’ assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u s-soċjetà ċivili kif stipulat fl-Artikolu 11 tat-TUE” (29).

5.7

Fil-fatt, il-Protokoll jidentifika żewġ opportunitajiet ta’ importanza kruċjali għall-iżvilupp ta’ kooperazzjoni bħal din, li jistgħu jsiru qafas stabbli u strutturat li fih jiġi inkluż b’mod progressiv netwerk dejjem aktar wiesa’ ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili Ewropea, sabiex tingħata aktar forma lill-iżvilupp prattiku tad-djalogu ċivili strutturat imsemmi fl-Artikolu 11(2):

Fir-rigward tal-istabbiliment tal-prijoritajiet politiċi tal-UE, il-KESE għandu l-possibbiltà li jinfluwenza l-prijoritjiet politiċi u l-programm annwali ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea. Għal dan il-għan, il-KESE għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-proposti ta’ prijorità tiegħu għas-sena ta’ wara, u fl-aħħar ta’ kull sena l-KESE għandu jorganizza dibattitu dwar il-futur tal-UE, li waqtu l-Kummissjoni tippreżenta l-prijoritajiet strateġiċi tagħha.

Fir-rigward tas-Semestru Ewropew u tal-Istrateġija Ewropa 2020, il-Protokoll jistituzzjonalizza l-preżentazzjoni ta’ rapport annwali min-naħa tal-KESE, b’kooperazzjoni mill-qrib man-netwerk tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali jew istituzzjonijiet simili, dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Dan ir-rapport għandu jiġi diskuss qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, u l-membru rilevanti tal-Kummissjoni huwa mistenni jipparteċipa f’dan id-dibattitu u jippreżenta l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir.

5.8

Il-KESE għandu barra minn hekk jimpenja ruħu biex joħloq l-aktar sinerġiji adatti mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew, filwaqt li jiżviluppa kooperazzjoni strutturata fuq iż-żewġ livelli.

5.9

B’mod partikolari, kooperazzjoni strutturata bħal din tista’ tiġi żviluppata fil-livell nazzjonali bħala l-kontribut li l-Protokoll issa jitlob mill-KESE fil-forma ta’ “valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE b’mod partikolari b’rabta mal-klawżoli orizzontali, kif previst fl-Artikoli 8 sa 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)” (30). Għal dan il-għan, għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni eżistenti mal-KES nazzjonali u ma’ istituzzjonijiet simili.

5.10

Fl-aħħar nett, fl-2004 l-KESE stabbilixxa l-Grupp ta’ Kuntatt mal-korpi u n-netwerks Ewropej tas-soċjetà ċivili, li ssir referenza għalihom anke fil-Protokoll rivedut. Fil-kuntest tal-prospetti msemmija, il-KESE iqis li hu meħtieġ li jiġi rivedut, ristrutturat u mogħti ħajja ġdida r-rwol tal-Grupp ta’ Kuntatt, u b’mod partikolari dan għandu jinfetaħ għall-oqsma kollha tas-soċjetà ċivili organizzata u b’referenza għall-kompożizzjoni aktar diversifikata tat-tliet Gruppi tal-KESE. Tisħiħ bħal dan jista’ jirrappreżenta pass speċifiku lejn progress deċiżiv fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 11(1) tat-TUE (fir-rigward tad-djalogu ċivili orizzontali), billi jagħmel lill-KESE pjattaforma li tiffaċilita dan il-proċess. Il-Grupp ta’ Kuntatt rivedut u msaħħaħ b’dan il-mod jista’ jaqdi rwol dejjem aktar ta’ valur fi ħdan il-KESE, b’mod partikolari fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 11.

6.   Il-bini ta’ spazju strutturat għad-djalogu ċivili Ewropew

6.1

Il-KESE huwa tal-fehma li hija r-responsabbiltà tiegħu li jsir dejjem iktar iċ-ċentru ta’ eċċellenza għad-djalogu ċivili Ewropew, u jiżviluppa u jipperfezzjona strumenti li diġà jeżistu, u jrawwem forom ġodda ta’ djalogu strutturat u forums miftuħa u parteċipattivi għall-partijiet interessati: dan għandu jkun parti minn strateġija globali u għandu jinvolvi dejjem iktar parteċipazzjoni adatta tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropea, bil-għan li jiġu mmultiplikati l-prattiki tajba tad-djalogu ċivili fil-livelli kollha. B’dan il-mod il-KESE jista’ jagħti kontribut ewlieni għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 11.

6.2

Il-KESE jemmen li għandha tibda l-ħidma sabiex jissawwar spazju li jirrappreżenta b’mod viżibbli din l-epoka ġdida ta’ demokrazija parteċipattiva. Barra milli jirrappreżenta innovazzjoni kemm fis-sustanza kif ukoll fil-metodu użat, dan għandu jsaħħaħ ukoll il-proċess ġenerali u fih innifsu joħloq avveniment ta’ komunikazzjoni. Dan huwa mod biex tingħata forma u sustanza lill-kostruzzjoni ta’ sfera pubblika Ewropea, proposta mill-filosfu Jürgen Habermas, li hija l-kundizzjoni fundamentali tal-proġett Ewropew kollu kemm hu, iżda li għadha ’l bogħod milli tinħoloq fir-realtà. Din il-ħidma qed issir dejjem iżjed urġenti fid-dawl tal-kriżi u r-riskji enfasizzati qabel li jispiċċa jisfaxxa l-appoġġ demokratiku għall-integrazzjoni Ewropea.

6.3

Fil-KESE l-proposta ta’ spazju bħal dan diġà ġiet espressa kemm matul il-konferenzi organizzati fi ħdan il-KESE (31), kif ukoll f’opinjoni reċenti u awtorevoli dwar ir-Rinnovazzjoni tal-Metodu Komunitarju (32).

6.4

Il-KESE jikkunsidra li spazju strutturat bħal dan għad-djalogu ċivili Ewropew jista’ jieħu l-forma ta’ avveniment annwali, bl-istruttura u l-għanijiet li ġejjin:

avveniment maħsub biex jiġbor, iwassal u jissintesizza l-kontributi ewlenin tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea fil-programm annwali tal-Kummissjoni u fl-aġenda tal-prijoritajiet tad-diversi istituzzjonijiet, b’rabta ma’ dak li diġà ntqal fil-punt 5.7;

avveniment strutturat b’mod progressiv fuq aktar minn ġurnata waħda, fuq l-istil tal-Open Days organizzati b’mod effettiv mill-Kumitat tar-Reġjuni (33), b’workshops u assembleji tematiċi, li mbagħad jingħaqdu f’avveniment ġenerali ta’ għeluq;

avveniment li fih il-KESE joffri bażi preparatorja solida, filwaqt li jiġi stabbilit kumitat speċifiku li jinkludi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea u jistabbilixxi l-prijoritajiet tematiċi kif ukoll il-metodi ta’ parteċipazzjoni (34);

avveniment li fih il-parteċipazzjoni titwessa’ kemm jista’ jkun, anke fuq livell ta’ organizzazzjonijiet nazzjonali u settorjali;

avveniment li fih tiġi involuta wkoll il-parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini Ewropej – fid-dawl tal-Artikolu 11(1), li jirrikjedi wkoll koll djalogu dirett maċ-ċittadini fis-27 Stat Membru tal-UE – filwaqt li jintuża l-potenzjal kbir tat-teknoloġiji l-ġodda tal-komunikazzjoni;

avveniment li jista’ jiġi konkluż b’dikjarazzjoni finali, li l-forma tagħha tkun ġestita u koordinata minn kumitat preparatorju, kif diġà ġie sperimentat b’suċċess mill-KESE f’għadd ta’ okkazzjonijiet interni u esterni.

6.5

Il-KESE jsostni li dan avveniment jista’ jirrappreżenta spinta kostruttiva li biha l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jagħmlu d-djalogu ċivili ħidma orizzontali għad-direttorati ġenerali kollha tal-Kummissjoni, għall-gruppi ta’ ħidma kollha tal-Kunsill u għall-kumitati kollha tal-Parlament Ewropew, b’mod trasparenti u bilanċjat, fir-rigward tad-diversi partijiet tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, kif diġà mitlub mill-Parlament Ewropew (35).

6.6

Sabiex din il-prospettiva tingħata aktar saħħa u konsistenza, il-KESE jitlob ukoll li l-Kummissjoni tifformula mill-ġdid proposta preċiża u definittiva fir-rigward tal-Istatut Ewropew tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej, kif iħeġġu bil-qawwa l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej u kif diġà ġie mitlub aktar minn darba f’diversi opinjonijiet tal-KESE.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Sinteżi tajba ta’ dawn il-kunċetti tinsab fid-dokument “Participatory democracy in 5 points”, miktub mill-Gruppp III tal-KESE f’Marzu 2011. http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.publications.15525 (mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  Dan kollu huwa deskritt f’aktar dettall fil-Kompendju Demokrazija parteċipattiva: ħarsa retrospettiva tal-istorja miktuba mill-KESE (Participative democracy: a retrospective overview of the story written by the EESC) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.fr.events-and-activities-participatory-democracy-prospects-compend.

(3)  Artikolu 11(1). L-istituzzjonijiet għandhom, permezz ta’ mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma ta’ azzjoni kollha tal-Unjoni. (2). L-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili. (3). Sabiex tassigura li l-azzjonijiet tal-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet konċernati. (4). Ċittadini ta' l-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx anqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta’ għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea …

(4)  L-Artikolu 10(1) jistipola li, “il-funzjonament tal-Unjoni għandu jkun ibbażat fuq id-demokrazija rappreżentattiva” u l-Artikolu 10(3) li “Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin.”

(5)  Fi kwalunkwe każ, ikun tajjeb li fi żmien sena issir valutazzjoni bir-reqqa (li tinvolvi wkoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) tal-operat prattiku tal-Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini: http://ec.europa.eu/citizens-initiative/public/welcome

(6)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 59.

(7)  http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/roadmap-final-for-web.pdf.

(8)  Il-KESE huwa magħmul minn “rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, ta’ impjegati, u ta’ partijiet oħra li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili, speċjalment l-oqsma soċjoekonomiċi, ċiviċi, professjonali u kulturali.”, Artikolu 300(2) tat-TFUE.

(9)  Demokrazija parteċipattiva: ħarsa retrospettiva tal-istorja miktuba mill-KESE http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.fr.events-and-activities-participatory-democracy-prospects-compend.

(10)  Hawn taħt hemm xi sommarji qosra biss.

(11)  http://trade.ec.europa.eu/civilsoc/index.cfm

(12)  http://ec.europa.eu/ewsi/en/policy/legal.cfm

(13)  Kapitolu 2, Artikolu 4.

(14)  Kapitolu 2, Artikolu 6.

(15)  Wieħed jista’ jieħu idea tal-ħidma ta’ monitoraġġ li saret mill-KESE billi jara d-dikjarazzjoni finali adottata fis-seminar reġjonali ta’ Addis Ababa, li sar bejn is-7 u l-10 ta’ Lulju 2010. www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.acp-eu-eleventh-regional-seminar-documents.10876.

(16)  http://www.europarl.europa.eu/aboutparliament/en/00567de5f7/Agora.html.

(17)  Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali adottata fl-1998. http://www.unece.org/env/pp/introduction.html.

(18)  Il-Kodiċi ġie adottat f’Ottubru 2009. www.coe.int/ngo

(19)  ‘Grenelle Environnement’ – http://www.legrenelle-environnement.fr/.

(20)  Għal aktar eżempji ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili jekk jogħġbok irreferi għas-seduta li saret fil-kuntest tal-abbozzar ta’ din l-Opinjoni: http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-articles-11-1-2-lisbon-treaty.

(21)  Tidher ukoll id-differenza qawwija tal-kriterji ta’ rappreżentanza applikati fis-sitwazzjonijiet differenti. Għalhekk, hawn terġa’ ssir referenza għall-kriterji kwantitattivi u kwalitattivi definiti fl-opinjoni tal-KESE (relatur: is-Sur Olsson), ĠU C 88, 11.4.2006, p. 41.

(22)  F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-kwanitità enormi ta’ organizzazzjonijiet lokali, nazzjonali u reġjonali li kienu involuti f’dawn is-snin fi proġetti Ewropej konkreti u speċifiċi u li jistgħu, jekk jiġu mqanqla u mdaħħla fin-netwerk b’mod xieraq, ikunu involuti b’mod attiv b’dinamika usa’ ta’ parteċipazzjoni u ta’ djalogu ċivili, li hi kapaċi ssaħħaħ l-adeżjoni taċ-ċittadini għall-proċess Ewropew fuq livell kapillari, fit-territorji nazzjonali u lokali tal-Unjoni.

(23)  ĠU C 193, 10.7.2001, p. 117 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 125, 27.5.2002, p. 61 (mhux disponibbli bil-Malti) u COM(2001) 428 final. (mhux disponibbli bil-Malti).

(24)  L-istituzzjonijiet iżommu djalogu miftuħ …, paragrafu 2.

(25)  http://europa.eu/transparency-register/index_mt.htm

(26)  Ara wkoll nru 21 tar-Riżoluzzjoni tal-PE tat-13 ta’ Jannar 2009 dwar “il-perspettivi għall-iżvilupp tad-djalogu ċivili fil-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona” (P6_TA(2009)0007).

(27)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.eu-cooperation.22469

(28)  Preambolu tal-Protokoll, paragrafu 6.

(29)  Ara wkoll il-preambolu tal-Protokoll, paragrafu 7.

(30)  Preambolu tal-Protokoll.

(31)  Ara l-punt 4 finali “… L-organizzazzjoni ta’ Konferenza annwali tas-soċjetà ċivili organizzata bl-iskop li jkun hemm kontribuzzjoni għall-elaborazzjoni tal-aġenda politika Ewropea …” fid-dokument adottat mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ewlenin fil-konferenza organizzata mill-KESE fl-10 ta’ Frar 2010.

(32)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 29, punt 5.6, relaturi: is-Sur Malosse u s-Sur Dassis.

(33)  L-Open Days tal-KtR, li fl-2012 jiċċelebra l-għaxar anniversarju tiegħu, huwa post ta’ diskussjoni u dibattitu politiku iżda wkoll spazju ta’ skambju ta’ prattiki tajba u ta’ kooperazzjoni. Issa jinvolvi aktar minn 6 000 parteċipant u madwar mitt workshop, tliet laqgħat tematiċi ġenerali u sessjoni ta’ konklużjoni, u jattendu rappreżentanti ta’ profil għoli mill-istituzzjonijiet Ewropej kollha.

(34)  Eżempju ta’ prattika tajba huwa l-Programm għall-Ewropa: il-proposti tas-soċjetà ċivili, ippubblikat mill-KESE fir-rebbiegħa 2009.

(35)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Jannar 2009 dwar “il-perspettivi għall-iżvilupp tad-djalogu ċivili fil-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona” (relatur: G. Grabowska).


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-persuni mdaħħlin fl-età fis-soċjetà” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2013/C 11/04

Relatur: is-Sinjura O'NEILL

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-involviment u l-parteċipazzjoni tal-persuni mdaħħlin fl-età fis-soċjetà

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ottubru 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, l-ebda vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Konklużjoni

1.2   Il-persuni mdaħħlin fl-età huma membri dinamiċi, kapaċi u vitali tas-soċjetà tagħna. Huma jgħaddu l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza tagħhom lill-ġenerazzjonijiet li jmiss. Bħala individwi u anke bħala grupp, huma jikkontribwixxu għall-ekonomija tagħna, il-viċinati tagħna u t-tkomplija tal-istorja tagħna. Bħala membri ta’ familja, il-persuni mdaħħlin fl-età huma responsabbli għat-tħeġġiġ tal-koeżjoni u s-solidarjetà fis-soċjetà tagħna.

1.3   Rakkomandazzjonijiet

1.3.1

Il-KESE jirrakkomanda li:

l-enfasi ssir fuq il-kapaċità u l-kontribut tal-persuni mdaħħlin fl-età u mhux fuq l-età kronoloġika tagħhom, u li l-gvernijiet, l-NGOs u l-mezzi tax-xandir jenfasizzaw dawn l-aspetti fi stqarrijiet pożittivi;

jingħata appoġġ għall-parteċipazzjoni attiva tal-gruppi kollha ta’ età fis-soċjetà u għal solidarjetà u kooperazzjoni ikbar bejn u fi ħdan il-ġenerazzjonijiet;

il-gvernijiet u l-aġenziji statutorji jimpenjaw ruħhom b’mod pożittiv favur il-parteċipazzjoni attiva tal-persuni mdaħħlin fl-età fit-teħid tad-deċiżjonijiet u r-rwol tagħhom fil-komunitajiet;

il-gvernijiet jaħdmu ma’ msieħba adatti biex jeliminaw kwalunkwe ostaklu li jimpedixxi lill-persuni mdaħħlin fl-età milli jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà;

il-partijiet interessati kollha jkomplu jiżviluppaw approċċ li jenfasizza t-tagħlim tul il-ħajja għal persuni mdaħħlin fl-età, dawk li jħaddmu u l-komunitajiet individwali;

il-gvernijiet jiżguraw l-inklużjoni diġitali u t-taħriġ tal-persuni mdaħħlin fl-età;

il-persuni mdaħħlin fl-età joħorġu għall-elezzjoni, jivvutaw u jieħdu sehem bħala membri fuq bords fi ħdan kumpaniji, awtoritajiet pubbliċi u NGOs;

jiġi rikonoxxut il-kontribut ta’ dawk li jieħdu ħsieb oħrajn b’mod informali u dawk li jirċievu l-kura mogħtija, u li jiġu appoġġjati b’mod adegwat id-drittijiet u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom;

il-persuni mdaħħlin fl-età jitħeġġu jkunu involuti fil-volontarjat b’konformità ma’ linji gwida ta’ prattiki tajbin;

isir possibbli li l-persuni mdaħħlin fl-età jibqgħu impjegati sal-età statutorja tal-irtirar u lil hinn minnha, jekk jixtiequ;

min iħaddem jadatta l-ambjent tax-xogħol u jfittex arranġamenti kuntrattwali li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni mdaħħlin fl-eta, u li

il-persuni mdaħħlin fl-età jiġu rikonoxxuti bħala konsumaturi u l-intrapriżi jitħeġġu jipproduċu prodotti u servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ soċjetà li qed tixjieħ.

2.   Introduzzjoni

2.1

Skont il-viżjoni ta’ tixjiħ attiv u b’saħħtu mħaddna mill-Grupp ta’ Tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tixjiħ Attiv: “ ‘It-tixjiħ attiv u b’saħħtuhuwa proċess li permezz tiegħu ikun hemm l-aqwa opportunitajiet possibbli għas-saħħa, il-parteċipazzoni u s-sigurtà bil-għan li tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja meta l-persuni jixjieħu. Dan japplika kemm għall-individwi kif ukoll għall-gruppi ta’ popolazzjoni. ‘Is-saħħa’ tirreferi għall-benesseri fiżiku, mentali u soċjali. Il-kelma ‘attiv’ tirreferi għat-tkomplija tal-parteċipazzjoni f’affarijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali, spiritwali u ċiviċi, mhux biss il-kapaċità li wieħed ikun attiv fiżikament jew li jipparteċipa fil-forza tax-xogħol  (1)”.

2.2

L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tenfasizza l-parteċipazzjoni attiva attwali min-naħa tal-persuni mdaħħlin fl-età fl-Ewropa, li tikkunsidra l-ostakli li jimpedixxu li iżjed persuni jkunu involuti u li tenfasizza li parteċipazzjoni ta’ din ix-xorta titkompla tul ħajjet il-persuna kkonċernata. Il-bini ta’ Ewropa li tindirizza l-ħtiġijiet ta’ kull età (2) jibda mit-twelid u jitlob viżjoni fit-tul. Din l-Opinjoni tibni fuq Opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar il-persuni mdaħħlin fl-età u t-tixjiħ (3)

2.3

Attwalment, hawn 85 miljun ruħ ta’ età ’l fuq minn 65 sena fl-Ewropa, u din iċ-ċifra ser tiżdied għal 151 miljun sal-2060. Huwa importanti li ma niffukawx biss fuq l-età kronoloġika iżda li nirrikonoxxu u nibnu l-kapaċità li nipparteċipaw f’kull età, u li napprezzaw il-fatt li anke jekk il-peruni mdaħħlin fl-età (li, għall-finijiet ta’ din l-Opinjoni, huma l-persuni ta’ ’l fuq minn 65 sena) għandhom limitazzjonijiet f’dak li jikkonċerna s-saħħa, dan mhux bilfors iżommhom milli jkunu involuti.

2.4

Il-parteċipazzjoni soċjali, kulturali, ekonomika u politika attiva tal-persuni mdaħħlin fl-età tiddependi minn immaġni ġusta tal-età  (4)”. Jeħtieġ li niskoraġġixxu l-użu ta’ lingwaġġ drammatiku żżejjed mill-mezzi tax-xandir u l-gvernijiet biex jiddeskrivu soċjetà li qed tixjieħ.

2.5

Attitudnijiet ikkaratterizzati minn diskriminazzjoni abbażi tal-età għandhom jiġu eliminati għax jagħmlu ħsara lill-perċezzjoni tal-persuni mdaħħlin fl-età u jiskoraġġixxuhom milli jipparteċipaw. Dan iwassal għat-telf ta’ kontributi vitali u jżid it-tensjoni bejn il-ġenerazzjonijiet. Għandna niċċelebraw il-fatt li qed jirnexxilna ngħixu iżjed u iżjed b’saħħitna għal għadd itwal ta’ snin, kemm minħabba edukazzjoni aħjar u l-fatt li qed nieklu aħjar, kif ukoll minħabba enfasi fuq il-kuntratt soċjali bejn il-ġenerazzjonijiet.

2.6

L-attitudnijiet negattivi marbutin mal-persuni mdaħħlin fl-età jinjoraw ir-rwol li jaqdu bħala ħaddiema, konsumaturi, parteċipanti fil-proġetti komunitarji u bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor. Il-perċezzjonijiet negattivi tal-persuni mdaħħlin fl-età huma dannużi peress li d-diskriminazzjoni ddgħajjef l-istima li wieħed ikollu għalih innifsu u taġixxi bħala ostaklu għal impenn ikbar u għall-kontribut tagħhom għall-ekonomija. L-istennija tal-għomor żdiedet minħabba żviluppi ġodda fil-mediċina, il-farmakoloġija u t-teknoloġija, flimkien ma’ għarfien iżjed wiesa’ ta’ saħħitna u titjib fl-edukazzjoni. “Ir-riċerka turi li l-kwalità ta’ ħajjet il-persuni mdaħħlin ħafna fl-età – minn fommhom stess – hija ta’ spiss ħafna aħjar milli hija rikonoxxuta ġeneralment. Jeħtieġ li nibdlu l-attitudni tagħna għat-tixjiħ, li ta’ spiss hija ddominata minn ideat żbaljati u preġudizzji” (5).

2.7

Il-bidla demografika toffri opportunitajiet għat-tkabbir tal-“ekonomija tal-fidda”, peress li l-persuni mdħħlin fl-età huma konsumaturi f’ħafna setturi kif ukoll kontributuri permezz tal-impjieg.

2.8

Għalhekk, l-indirizzar tad-diskriminazzjoni abbażi tal-età permezz tal-leġislazzjoni, it-tmexxija u l-ħolqien ta’ dinamika ġdida għandu jkun prijorità fil-promozzjoni tat-tixjiħ attiv u l-isfruttament tal-potenzjal tal-popolazzjoni mdaħħla fl-età biex taqdi rwol sħiħ fl-iżvilupp tal-kapital soċjali u ekonomiku tal-pajjiż.

2.9

Għandna nisfidaw il-fehma li meta nagħlqu l-65 insiru riċevituri tas-servizzi u mhux kontributuri. L-ostakli tal-età għandhom jitneħħew. Il-persuni mdaħħlin fl-età ma jsirux grupp omoġenju minħabba l-età tagħhom iżda jibqgħu jħaddnu l-fehmiet, l-enerġiji, l-esperjenzi, il-preġudizzji, il-ħtiġijiet u x-xewqat differenti tagħhom. Ilkoll kemm aħna qed nixjieħu u biex nissodisfaw l-istennijiet fl-2060 hemm bżonn ta’ adattament kontinwu

2.10

L-istatistika dwar il-persuni mdaħħlin fl-età għandha tintuża b’mod prudenti biex nevitaw is-suppożizzjoni li l-kundizzjonijiet tas-saħħa, ir-rati tal-parteċipazzjoni, eċċ. huma l-istess għal dawk bejn il-65 u l-100 sena, peress li l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ivarjaw. Għandna nevitaw li nagħmlu suppożizzjonijiet abbażi tal-età u li noħolqu sitwazzjonijiet ta’ iżolazzjoni.

2.11

Huwa impossibbli li nikkunsidraw id-dinjità u l-benesseri tal-persuni mdaħħlin fl-età mingħajr ma nqisu wkoll l-istrateġiji dwar id-dħul, is-saħħa u l-kura soċjali u ż-żamma tan-netwerks soċjali lokali u l-inizjattivi tal-komunità. Dawn il-kwistjonijiet huma enfasizzati b’relazzjoni għall-ostakli għall-parteċipazzjoni li jistgħu jinħolqu. Il-kapaċità li wieħed ikollu aċċess għas-servizzi u jipparteċipa b’mod attiv jiddependi bil-bosta minn dħul suffiċjenti, u dan għandu jkun integrali għar-riforma tal-pensjonijiet.

3.   Affarijiet ċiviċi

3.1

Ir-rapport reċenti “Gold Age Pensioners” (6) jiddeskrivi l-persuni mdaħħlin fl-età bħala “kolla soċjali”. Huwa jenfasizza l-kontribut tagħhom għall-familja u l-komunitajiet permezz tal-volontarjat u l-parteċipazzjoni f’istituzzjonijiet demokratiċi.

3.2

Il-persuni mdaħħlin fl-età li jivvutaw fl-elezzjonijiet kollha huwa ogħla minn dak ta’ etajiet oħra. Skont rapport tal-Eurostat (7), 50 % taċ-ċittadini ta’ ’l fuq minn 55 sena vvutaw, u hemm interess iżjed qawwi fil-politika meta l-persuni jkunu ta’ età ikbar. L-għadd dejjem jikber ta’ persuni mdaħħlin fl-età fis-soċjetà tagħna jġib miegħu influwenza politika konsiderevoli, li hija magħrufa bħala “grey power” fl-Istati Uniti. Din l-influwenza tiġi eżerċitata.

3.3

L-età medja tal-membri eletti fil-Parlament Ewropew hija 54 u l-ikbar membru parlamentari għandu 84 sena. Dan huwa rifless f’istituzzjonijiet governattivi oħra u fil-KESE, liema ħaġa tenfasizza l-fatt li l-età ma għandhiex tkun ostaklu għall-parteċipazzjoni fi kwalunkwe livell.

3.4

Bosta persuni mdaħħlin fl-età jġibu magħhom l-esperjenza u l-għarfien espert miksuba tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, li narawhom użati fil-bords ta’ NGOs, awtoritajiet pubbliċi u kumpaniji.

4.   Parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet

4.1

Meta wieħed iqis sa liema punt jikkontribwixxu l-persuni mdaħħlin fl-età għas-soċjetà b’modi differenti, jistgħu jiru xi suppożizzjonijiet dwar l-inklużjoni soċjali tal-persuni mdaħħlin fl-età u l-involviment tagħhom fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Madankollu, il-persuni mdaħħlin fl-età spiss iħossuhom “imwarrbin” fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li jittieħdu dwar il-benesseri tagħhom stess jew dwar il-komunità li jgħixu fiha. L-individwi jeħtieġu inkoraġġiment personali u l-organizzazzjonijiet iridu jiżviluppaw mekkaniżmi li jintegraw il-fehmiet tal-persuni mdaħħlin fl-età.

4.2

Il-Pjattaforma Ewropea għall-Persuni Mdaħħlin fl-Età ppubblikat rapport fl-2010 (8) li ddeskriva l-metodi li kienu żviluppati fi Stati Membri differenti u li kienu jinkludu kunsilli għall-persuni mdaħħlin fl-età fil-livell nazzjonali u lokali u konsultazzjonijiet pubbliċi. Hija kundizzjoni fundamentali tal-proċess Ewropew tal-inklużjoni soċjali li l-partijiet interessati jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għall-problemi li jiffaċċjaw. Il-parteċipazzjoni hija kruċjali, iżda li wieħed jingħata widen b’mod attiv, bil-għan li jkun hemm bidla, huwa importanti wkoll.

4.3

Dawk li jiffaċċjaw esklużjoni soċjali minħabba problemi ta’ saħħa, diżabbiltà jew faqar għandhom jiġu megħjuna u l-individwi għandhom jingħataw is-setgħa biex ikunu awtonomi. Il-Grupp ta’ Ħidma Skoċċiż għad-Dimenzja huwa xempju ta’ persuni b’dijanjosi ta’ dimenzja li huma ddeterminati li jkollhom l-għażla u kontroll fuq ħajjithom. Stabbilixxa reputazzjoni nazzjonali u internazzjonali impressjonanti għal kampanji entużjastiċi u kuraġġużi għat-titjib tal-għarfien dwar id-dimenzja u għal pressjoni fuq l-awtoritajiet biex jittejbu s-servizzi. Il-persuni bid-dimenzja jmexxu l-organizzazzjoni u huma kelliema ewlenin f’konferenzi jew biex jagħtu rakkomandazzjonijiet lill-gvern (9).

4.4

Parteċipazzjoni effettiva titlob strutturi akkoljenti u impenn min-naħa tal-korpi governattivi u l-NGOs, min iħaddem u istituzzjonijiet oħra li huma serji li jisimgħu lill-persuni mdaħħlin fl-età bħala partijiet interessati; ifisser li l-lingwaġġ użat ma jkunx fih kliem tekniku żżejjed, li l-postijiet għal-laqgħat ikunu aċċessibbli u li n-nies ikollhom il-mezzi finanzjarji biex jattendu u jkunu jistgħu jużaw it-trasport. Il-persuni mdaħħlin fl-età għandhom ikunu konxji tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u jkun kellhom l-opportunità jiffamiljarizzaw ruħhom mal-kwistjonijiet li jridu jiġu diskussi; għaldaqstant, it-taħriġ, inkluż dak fit-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), huwa ingredjent essenzjali (10).

4.5

Hemm enfasi dejjem jikber fuq il-koproduzzjoni, li hija dwar “l-individwi, il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet li għandhom il-ħiliet, l-għarfien u l-kapaċità li jaħdmu flimkien biex joħolqu opportunitajiet u jsolvu l-problemi” (11). Il-prinċipji involuti huma dawk li fuqhom jissejsu l-attivitajiet parteċipattivi kollha u jistgħu jiġu applikati l-ewwel fil-livell individwali għat-tfassil ta’ pakkett dwar il-kura, u mbagħad fil-livell tal-gvernijiet nazzjonali, fejn jistgħu jiġu applikati fl-iżvilupp tal-politika.

5.   Riċerka

5.1

Il-KESE laqa’ b’sodisfazzjon l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għal inizjattivi relatati mal-programmazzjoni konġunta u għall-iżvilupp ta’ pjani direzzjonali għal attivitajiet ta’ riċerka fil-ġejjieni fil-qasam tat-tixjiħ u l-bidla demografika, li huma integrali għall-“Orizzont 2020 – Pjani direzzjonali dwar it-tixjiħ” (12).

5.2

Huwa importanti li jkun hemm riċerka kontinwa dwar kull aspett tal-ħajja tal-persuni mdaħħlin fl-età sabiex jiġu żgurati deċiżjonijiet politiċi adatti li jolqtu s-saħħa, il-kura soċjali, l-edukazzjoni, id-dħul u l-parteċipazzjoni. Il-persuni mdaħħlin fl-età għandhom jiġu involuti fl-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet u għandhom jipparteċipaw fir-riċerka. Huwa partikolarment importanti li ssir isperimentazzjoni adatta tal-mediċini fil-konfront tal-persuni mdaħħlin fl-età.

6.   Kura

6.1

Meta l-popolazzjoni tixjieħ, ir-responsabbiltajiet tal-kura jridu jintrefgħu minn għadd dejjem ikbar ta’ nisa mdaħħlin fl-età, u dan jista’ jwassal għal sfidi finanzjarji minħabba pagi mitlufa u drittijiet imnaqqsa għall-pensjoni. Il-persuni mdaħħlin fl-età jagħtu kontribut sinifikanti bħala persuni li jieħdu ħsieb – b’mod informali – qraba iżjed magħdurin, li jfisser iffrankar ta’ flus konsiderevoli għall-baġits tal-Istat iddedikati għall-benesseri. Għandhom jiġu rikonoxxuti l-esperjenza u l-ħiliet tal-persuni li jieħdu ħsieb oħrajn b’mod informali u għall-bżonn li jiġu pprovduti opportunitajiet ta’ tagħlim.

6.2

Barra minn hekk, ħafna nanniet jieħdu ħsieb in-neputijiet tagħhom għax ikun hemm bżonn f’familji li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet, jew biex it-tfal tagħhom ikunu jistgħu jmorru jaħdmu u b’hekk ikunu attivi ekonomikament.

6.3

Hemm lok għal innovazzjoni soċjali fil-qasam tal-kura informali u l-Istati Membri għandhom iħabirku iżjed biex jindirizzaw l-isfidi u r-responsabbiltajiet dejjem jikbru li jiffaċċjaw dawk li jieħdu ħsieb oħrajn b’mod informali fil-kuntest ta’ servizzi fil-qasam tal-kura li qed jonqsu jew li huma inadegwati.

7.   Il-volontarjat

7.1

“Hemm firxa impressjonanti ta’ attivitajiet volontarji min-naħa tal-persuni mdaħħlin fl-età li jmorru ferm lil hinn minn suġġetti tradizzjonali relatati mal-età bħall-appoġġ lil persuni mdaħħlin fl-età li jkunu magħdurin jew morda” (13). L-attivitajiet volontarji tagħhom iħaddnu l-benesseri u s-saħħa, id-divertiment, l-ambjent, l-organizzazzjonijiet reliġjużi, il-kultura u l-politika

7.2

Il-persuni mdaħħlin fl-età jivvolontarjaw għax b’hekk ikunu jistgħu jżommu u jiżviluppaw il-ħiliet u l-kuntatti soċjali tagħhom u jevitaw l-iżolazzjoni u l-esklużjoni soċjali u jaqdu l-komunità tagħhom. Il-volontarjat iġib miegħu benefiċċji reċiproċi. Skont sondaġġ li sar fl-2008, 78 % tal-popolazzjoni tal-UE-27 kienu tal-fehma li l-persuni mdaħħlin fl-età taw kontribut sostanzjali bħala voluntiera f’organizzazzjonijiet tal-karità u dawk komunitarji (14).

7.3

Fin-nuqqas ta’ servizzi statutorji, jew f’każ li jitnaqqsu, għandna napprezzaw il-fatt li l-persuni mdaħħlin fl-età jivvolontarjaw biex jimlew dawn il-lakuni, iżda jeħtieġ li jiġu appoġġjati.

7.4

Ta’ min jinnota li r-rikonoxximent u l-firxa tal-attivitajiet tal-volontarjat ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor u t-tendenza hi li dawk li jivvolontarjaw meta jkunu ta’ età ikbar ikunu vvolontarjaw tul ħajjithom kollha. Hemm raġunijiet tajbin għala għandna ninkoraġġixxu u nagħtu l-għodod possibbli tul ħajjet l-individwi biex ikunu involuti fil-volontarjat, li għandu benefiċċji meta wieħed ikun ta’ età ikbar, bħall-prevenzjoni tal-iżolazzjoni u l-esklużjoni soċjali u t-tħeġġiġ ta’ kuntatti u ħbiberiji.

8.   Kontribut ekonomiku

8.1

Apparti l-konsum, il-kontribut tal-persuni mdaħħlin fl-età għall-ekonomiji jista’ jitkejjel permezz tal-ħlas tat-taxxi fuq id-dħul u x-xiri, il-forniment ta’ kura informali lill-qraba, liema kura tikkostitwixxi ffrankar lill-Istat, il-kura tan-neputijiet biex it-tfal ikunu jistgħu jmorru lura fis-suq tax-xogħol, il-valur tal-volontarjat u l-valur li wieħed jibqa’ fil-forza tax-xogħol. Barra minn hekk, hemm trasferimenti tal-assi lil membri iżgħar tal-familja biex jgħinuhom f’każ ta’ impenji finanzjarji kbar ħafna (15).

8.2

Ir-rikonoxximent li kulma jmur qed jikber ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ għandha żżid il-potenzjal biex il-kumpaniji jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw prodotti u servizzi li jaqdu lil das-settur tal-popolazzjoni fil-kuntest ta’ soċjetà li qed tixjieħ u għalhekk jistimulaw it-tkabbir fil-produzzjoni u l-impjieg (16).

8.3

M’hemmx biżżejjed rikonoxximent tal-persuni mdaħħlin fl-età bħala konsumaturi, ħaġa li żżomm ħajjin l-attitudnijiet negattivi vis-à-vis x-xjuħija. Il-perċezzjoni sterjotipika tal-persuni mdaħħlin fl-età x’aktarx twassal għal suppożizzjonijiet li dawn ma jeħtiġux jew ma jridux opportunitajiet jew servizzi differenti u li “s-suq taż-żgħażagħ” huwa ferm iżjed importanti (17).

9.   L-impjieg

9.1

“Kwazi 60 % tal-ħaddiema huma tal-fehma li jkunu jistgħu jkomplu bl-impjieg tagħhom meta jagħlqu s-60 sena”  (18).

9.2

Fid-dawl taż-żieda fl-għomor tal-ħajja, huwa fundamentali li l-persuni mdaħħlin fl-età jingħataw l-opportunità u jkunu jistgħu jagħżlu li jibqgħu fil-forza tax-xogħol sal-età statutorja tal-irtirar, u, jekk jixtiequ, lil hinn minnha. Dan jitlob rikonoxximent tal-kapaċità ta’ persuna mdaħħla fl-età, adattament għall-ambjent u l-ħinijiet tax-xogħol (li huwa vantaġġuż ukoll tul iċ-ċiklu tal-ħajja), il-kapaċità li jipparteċipa f’taħriġ biex iżomm mal-pass tal-metodi li jinbidlu u ħidma għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-età fil-post tax-xogħol. Reċentement, il-KESE adotta Opinjoni li pproponiet pakkett ta’ miżuri speċifiċi li jħaddnu dawn ir-rekwiżiti u enfasizzat l-importanza tal-imsieħba soċjali li jaqdu rwol ewlieni biex jiżguraw politiki u adattamenti adatti (19).

9.3

Għandu jiġi rikonoxxut li hemm differenza bejn il-persuni li jaħdmu anke wara l-età tal-pensjoni għax hekk iridu, u persuni li jaħdmu għax bilfors, minħabba li d-dħul tal-irtirar tagħhom ma jkunx biżżejjed.

9.4

Il-persuni mdaħħlin fl-età jġibu magħhom bosta esperjenza u ħiliet fil-post tax-xogħol, ħaġa li hija importanti ħafna fi żmien meta nsibu nuqqas ta’ ħiliet, u tiżgura kontribut kontinwu għall-ekonomija. L-intrapriżi għandhom jitħeġġu jiżviluppaw prattiki tajbin fl-istrateġiji għall-ġestjoni tal-età.

9.5

Hemm potenzjal biex il-persuni mdaħħlin fl-età jibdew jaħdmu għal rashom u jsiru intraprenditorjali, liema ħaġa tagħtihom iżjed awtonomija u kontroll fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Il-kontribut tal-persuni mdaħħlin fl-età f’dan il-qasam qed jikber. Iċ-ċifri tal-Eurostat għall-2010 juru li 50 % tal-forza tax-xogħol ta’ ’l fuq minn 65 sena kienu jaħdmu għal rashom (20). L-istimulu għal proġetti u servizzi ġodda li jirriflettu l-bidla demografika jista’ jiġi mill-persuni mdaħħlin fl-età li għandhom negozju huma nnifishom, u jeħtieġ li l-individwi jitħeġġu jaħtfu dawn l-opportunitajiet (21).

10.   It-tagħlim tul il-ħajja

10.1

Il-KESE ilu jenfasizza għal għadd ta’ snin l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja bħala kundizzjoni ewlenija għall-inklużjoni soċjali, biex dak li jkun jibqa’ fil-post tax-xogħol, għall-iżvilupp personali u l-kapaċità ta’ parteċipazzjoni effettiva (22).

10.2

Numru dejjem jikber ta’ persuni mdaħħlin fl-età jipparteċipaw f’opportunitajiet edukattivi, iżda dan-numru jvarja minn Stat Membru għal ieħor (23). L-involviment tal-persuni mdaħħlin fl-età fi gruppi komunitarji u NGOs jipprovdi sors sostanzjali ta’ tagħlim informali.

11.   Ir-rwol tal-ICT

11.1

L-użu tal-ICT huwa ta’ importanza dejjem tikber għaċ-ċittadini kollha. L-użu tal-internet u l-posta elettronika jista’ jgħin lill-persuni mdaħħlin fl-età jibqgħu aġġornati mal-affarijiet li jiġru barra minn djarhom u jkollhom komunikazzjoni regolari mal-qraba tagħhom li ma jgħixux viċin. Dan jista’ jissaħħaħ permezz tal-użu tal-iSkype jew midja simili b’kuntatt viżiv. L-użu ta’ chat rooms li huma sorveljati jista’ jgħin lill-persuni mdaħħlin fl-età li forsi ma jistgħux joħorġu minn darhom, biex jikkuntattjaw lil oħrajn b’interessi simili, u b’hekk tittaffa l-iżolazzjoni tagħhom.

11.2

Jistgħu jinkisbu benefiċċji konsiderevoli permezz tas-saħħa elettronika f’dak li għandu x’jaqsam mal-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet u r-rispons għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Metodi ta’ din ix-xorta m’għandhomx jieħdu post il-kuntatt regolari “wiċċ imb’wiċċ” u s-sistemi elettroniċi fil-qasam tas-saħħa għandhom iħaddnu l-bżonn ta’ relazzjonijiet reali mal-individwi.

11.3

Applikazzjonijiet iżjed kontroversjali fil-qasam tal-ICT jinvolvu s-sistemi ta’ monitoraġġ personali fi djar “intelliġenti”, fis-sikurezza personali jew f’mekkaniżmi ta’ monitoraġġ għall-individwi li jbatu bid-dimenzja. L-għan huwa li jiġu żgurati b’mod sigur l-awtonomija kontinwa u l-għażla rigward l-attivitajiet. L-użu ta’ metodi bħal dawn għandu jsir abbażi ta’ deċiżjonijiet u prattiki etiċi, u jrid jaġevola biċ-ċar lill-persuna mdaħħla fiż-żmien; dawn il-metodi m’għandhomx jintużaw bħala mekkaniżmu ta’ kontroll jew mod biex jitnaqqas l-appoġġ tal-persunal.

11.4

L-użu tal-internet għax-xiri onlajn għandu vantaġġi ċari għal dawk b’mobbiltà mnaqqsa, iżda dan irid ikun ibbilanċjat mal-bżonn li jiltaqgħu man-nies u joħorġu lil hinn mill-konfini ta’ darhom. Għandhom jiġu garantiti l-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

11.5

L-użu tal-ICT jitlob taħriġ, appoġġ u aċċess għat-tagħmir. Dawn il-kwistjonijiet ġew enfasizzati fl-Opinjoni tal-KESE dwar “It-tisħiħ tal-kultura diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali” (24).

12.   Ostakli għall-parteċipazzjoni

12.1

Filwaqt li ġie enfasizzat l-involviment tal-persuni mdaħħlin fl-età f’firxa ta’ attivitajiet b’impatt fuq il-ħajja soċjali u ekonomika, għad fadal ostakli konsiderevoli għal bosta persuni mdaħħlin fl-età li jwaqqfuhom milli jipparteċipaw.

12.2

L-età kronoloġika hija biss waħda mill-ħafna karatteristiċi li jiddefinixxu persuna. L-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza ta’ gruppi differenti ta’ età huma riżorsi vitali fis-soċjetà. Soċjetà inklużiva għall-etajiet kollha titlob ir-responsabbiltà kollettiva ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-partijiet interessati rilevanti u ċ-ċittadini, bil-għan li jitfasslu politiki u prattiki li jiżguraw l-ekwità u l-inklużjoni hi x’inhi l-età.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  “Strategic Implementation Plan for the European Innovation Partnership” (Pjan Strateġiku ta’ Implimentazzjoni għas-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu), Kummissjoni Ewropea, 7.11.2011 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  “Stakeholder Manifesto for an Age Friendly European Union by 2020” (Manifest tal-partijiet interessati għal Unjoni Ewropea li tindirizza l-ħtiġijiet ta’ kull età sal-2020), Age Platform Europe, 2011.

(3)  GU C 228, 22.9.2009, p. 24; GU C 51, 17.2.2011, p. 55; GU C 181, 21.6.2012, p. 150.

(4)  Is-Sitt Rapport tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-qagħda tal-persuni mdaħħlin fl-età (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Kirkwood, T et al: “New Ways of Looking at Age”, Blackstaff Press 2011.

(6)  “Gold Age Pensioners”, WRVS, 2011,

(7)  “Active ageing and solidarity between generations”, Eurostat 2012 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  “Guide for Civil Dialogue on Promoting Older People’s Social Inclusion”, Age Platform Europe, 2010.

(9)  “Perspectives on ageing with dementia”, Joseph Rowntree Foundation, 2012.

(10)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 8.

(11)  “A guide to co-production with older people”, NDTI.

(12)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Orizzont 2020: Pjani direzzjonali dwar it-tixjiħ” adottata fit-23 ta’ Mejju 2012 (ĠU C 229, 31.7.2012, p. 13).

(13)  “Volunteering by Older People in the EU”, Eurofound, 2011 (mhux disponibbli bil-Malti).

(14)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 6.

(15)  Gold Age Pensioners, WRVS, 2011.

(16)  GU C 44, 11.2.2011, p. 10.

(17)  “The Golden Economy”, AGE UK 2011.

(18)  “Living Longer Working Better”, Eurofound, 2011 (mhux disponibbli bil-Malti).

(19)  OJ C 318, 29.10.2011, p. 1.

(20)  “Active ageing and solidarity between the generations”, Eurostat, 2011.

(21)  “Golden opportunities”, UnLtd, 2012.

(22)  GU C 161, 13.7.2007, p. 1; GU C 204, 9.8.2008, p. 89; GU C 228, 22.9.2009, p. 24; GU C 77, 31.3.2009, p. 115; GU C 51, 17.2.2011, p. 55.

(23)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 20.

(24)  GU C 318, 29.10. 2011, p. 9.


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tisħiħ tal-awtonomija soċjali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini tar-Roma fl-Ewropa” (opinjoni addizzjonali)

2013/C 11/05

Relatur: is-Sur TOPOLÁNSZKY

Nhar is-17 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji Opinjoni addizzjonali dwar

It-tisħiħ tal-awtonomija soċjali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini tar-Roma fl-Ewropa

(Opinjoni addizzjonali).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ottubru 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’127 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon u b’tama qawwija l-miżuri meħudin reċentement mill-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, korpi oħra tal-UE u l-Istati Membri differenti favur l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tar-Roma Ewropej, u b’mod partikolari l-istrateġija qafas tal-Kummissjoni Ewropea u l-adozzjoni ta’ strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma.

1.2

Fl-istess ħin, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li “dawn l-isforzi kollha ma wasslux għal soluzzjoni deċiżiva kontra d-diskriminazzjoni li jesperjenzaw ir-Roma u lanqas għal titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħhom …”.

1.3

Fl-2011, f’opinjoni esploratorja dwar din il-kwistjoni (1) il-KESE esprima t-tħassib tiegħu dwar l-adeżjoni tal-organizzazzjonijiet ċivili u r-Roma fl-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, u ressaq għadd ta’ proposti.

1.4

Il-konklużjonijiet tal-istudju mitlub mill-KESE li sar fis-27 Stat Membru – flimkien mal-konklużjonijiet tal-istudji mwettqa mill-Koalizzjoni għal Politika Ewropea tar-Roma (European Roma Policy Coalition – ERPC) u minn organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili - jagħtu xhieda li fost dawk li jitkellmu f’isem ir-Roma, l-organizzazzjonijiet ċivili u r-rappreżentanti tagħhom jeżisti mhux biss livell għoli ta’ nuqqas ta’ informazzjoni u nuqqas ta’ sodisfazzjon, iżda wkoll frustrazzjoni u sfiduċja b’mod wiesa’. Jidher li l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma ma ssodisfawx fi ħdan din il-komunità l-aspettativi li kulma jmur qed jikbru u l-fiduċja sinċiera li l-istrateġija tkun tista’ ttejjeb b’mod sostanzjali l-integrazzjoni tar-Roma fis-soċjetà.

1.5

Il-mezzi u r-riżorsi disponibbli biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma ma jidhrux li huma biżżejjed biex jinnewtralizzaw l-impatt persistenti tad-diskriminazzjoni u tal-esklużjoni u l-implikazzjonijiet negattivi tagħhom għall-kwalità tal-ħajja u l-opportunitajiet fil-ħajja taċ-ċittadini Roma. Għaldaqstant, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu kkoordinati l-politiki u li jiġu previsti riżorsi adatti għall-għanijiet li jridu jintlaħqu.

1.6

Il-KESE huwa tal-fehma li l-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma għandhom dejjem ikunu bbażati fuq id-drittijiet biex jiġi żgurat li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali.

1.7

Il-Kumitat jisħaq fuq l-importanza li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tingħata prijorità fl-oqsma kollha tal-ħajja soċjali.

1.8

Il-Kumitat itenni li jinħtieġ appoċċ pożittiv globali għas-sitwazzjoni soċjali tar-Roma u li, b’mod ġenerali, l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-integrazzjoni timplika fattur deċiżiv, jiġifieri li l-individwi għandhom is-saħħa, l-istrumenti u s-setgħa li jsawru d-destin tagħhom stess.

1.9

Il-KESE jappoġġja t-twaqqif tan-netwerk tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali għar-Roma – b’kompetenzi adegwati – previst mill-Kummissjoni Ewropea u jenfasizza li s-soċjetà ċivili organizzata, u b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet Roma u r-rappreżentanti tal-interessi ta’ din il-komunità, għandha tkun involuta bis-sħiħ fil-proċess kollu għall-użu tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma (tfassil, implimentazzjoni, monitoraġġ u valutazzjoni).

1.10

Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma għandhom jissaħħu b’mod sostenibbli, abbażi ta’ argumenti xjentifiċi u l-użu ta’ persuni indipendenti inkarigati mill-valutazzjoni. Huwa importanti li tiġi stabbilita sistema permanenti għall-finanzjament ta’ dawn il-proċessi.

2.   Kuntest

2.1

F’April 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat dokument ta’ strateġija importanti ħafna intitolat “Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020” (2). Il-Komunikazzjoni – għall-ewwel darba fl-istorja tal-UE u b’rabta mill-qrib mal-punti ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, it-test tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-konklużjonijiet tal-vademecum “L-għaxar prinċipji bażiċi komuni għall-inklużjoni tar-Roma” (3) – tiddefinixxi l-għanijiet strateġiċi prinċipali. Hija tkopri l-isfidi politiċi f’erba’ oqsma: l-aċċess għall-edukazzjoni, għall-impjieg, għall-kura tas-saħħa u għall-akkomodazzjoni. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tagħti importanza partikolari lill-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet Roma. Hija favur il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u ta’ valutazzjoni soda u, fl-istess ħin, titlob lill-Istati Membri jħejju, jadottaw u jibagħtu sal-aħħar tal-2012 id-dokumenti strateġiċi nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea.

2.2

Fil-Konklużjonijiet tiegħu (4), il-Kunsill Ewropew jappoġġja l-punti sottolinjati mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha (5) u jikkonkludi li:

“(Il-Kunsill jilqa’) l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (u jinkoraġġixxi) [lill-Istati Membri] jistabbilixxu għanijiet nazzjonali li jistgħu jinkisbu kif ukoll (…) jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u jrendu l-fondi eżistenti tal-UE aktar aċċessibbli għall-proġetti għall-inklużjoni tar-Rom” u jisħaq fuq il-bżonn li:

“jimmonitorjaw u jevalwaw b’mod adatt l-impatt tal-istrateġiji [nazzjonali] ta’ inklużjoni tar-Rom jew is-settijiet integrati ta’ miżuri (…)” (punt 23);

“jinkoraġġixxu l-involviment aħjar tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati l-oħrajn kollha” (punt 41).

3.   Fis-16 ta’ Ġunju 2011, il-KESE ppubblika opinjoni esploratorja dwar “It-tisħiħ tal-awtonomija soċjali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini tar-Roma fl-Ewropa” (6). Il-konklużjonijiet prinċipali tad-dokument huma dawn:

3.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon u b’tama qawwija l-miżuri meħudin mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, il-Kunsill Ewropew, korpi oħra tal-UE u l-Istati Membri differenti favur l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tar-Roma Ewropej, kif ukoll l-isforzi li jagħmlu, li ssaħħu dan l-aħħar.

3.1.1

barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li “dawn l-isforzi kollha ma wasslux għal soluzzjoni deċiżiva kontra d-diskriminazzjoni li jesperjenzaw ir-Roma u lanqas għal titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-opportunitajiet tagħhom u li s-sitwazzjoni tagħhom saħansitra ħżienet fejn jidħlu ċerti aspetti”.

3.1.2

għalhekk, jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li titnieda “strateġija Ewropea integrata, ikkoordinata u koerenti u (…) programm ta’ azzjoni determinat u sistemiku fil-politiki kollha u implimentat fil-livell nazzjonali li jipprovdu lill-individwi u l-komunitajiet tagħhom bis-setgħa u l-awtorità li jeħtieġu sabiex ifasslu d-destin tagħhom (it-tisħiħ tal-awtonomija)”;

3.1.3

huwa tal-fehma li “l-elementi li ġejjin jistgħu jiġu proposti lill-Istati Membri bħala t-tliet pilastri - li għandhom jiġu implimentati b’mod koordinat - ta’ politika ta’ integrazzjoni tar-Roma realistika u fattibbli u li tirrappreżenta, speċifikament iżda mhux esklużivament, in-natura tal-problemi u tal-assi strateġiċi biex tinstab soluzzjoni għalihom:

a)

politika inklużiva li ma tiddiskriminax skont ir-razza u l-etniċità - li (…) tnaqqas il-faqar u d-deprivazzjoni estremi;

b)

politika li tappoġġja l-awtonomija ta’ dawk li jqisu ruħhom membri ta’ kwalunkwe komunità ta’ Roma u ċ-ċelebrazzjoni tal-inklużjoni soċjali li kisbu;

c)

politiki ġenerali u pubbliċità kontra r-razziżmu”.

3.2

jenfasizza “l-bżonn kbir li jiġu involuti r-rappreżentanti u l-membri tal-popli u l-komunitajiet tar-Roma kemm fl-ippjanar kif ukoll fl-implimentazzjoni f’kull livell (UE, nazzjonali, reġjonali u lokali)”.

3.3

Il-KESE “jixtieq jieħu sehem fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni ta’ dawn il-politiki fuq il-bażi tal-mandat tiegħu mis-soċjetà ċivili u fid-dawl tar-rabtiet inerenti bejnu u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri. Huwa beħsiebu jinvolvi ruħu fil-medjazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u tas-soċjetà ċivili organizzata u jipparteċipa bħala msieħeb attiv fil-Pjattaforma Ewropea integrata għall-inklużjoni tar-Roma u anki f’forom oħra ta’ djalogu strutturat”.

4.   Studji u sondaġġi

4.1   Fid-dawl ta’ dan kollu, l-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tiġbor l-għarfien, l-esperjenzi u l-Opinjonijiet kolla akkumulati f’dawn l-aħħar snin dwar l-istrateġija qafas u l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma mill-osservaturi ewlenin, is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, l-assoċjazzjonijiet tar-Roma, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiddefendu l-interessi tal-komunità Roma u l-gruppi ta’ pressjoni u l-movimenti differenti. Ma hemm l-ebda dubju li l-konklużjonijiet ta’ dan l-eżerċizzju ser jinfluwenzaw b’mod konsiderevoli t-tilħiq fil-livell tal-Istati Membri tal-għanijiet definiti fl-istrateġija qafas. Fost dawn l-analiżijiet differenti, ta’ min isemmi:

id-dokumenti differenti tal-Kummissjoni dwar il-proċess tat-tfassil tal-istrateġiji nazzjonali u l-kontenut tagħhom;

id-dokumenti dwar l-attivitajiet ta’ parteċipazzjoni u osservazzjoni u dawk relatati mat-tixrid tal-informazzjoni tal-OSI, b’mod partikolari fl-Istati Membri l-ġodda (7);

il-kwestjonarji tal-ERPC;

ir-rapporti dwar il-kontenut tal-istrateġiji u l-proċess tat-tfassil tagħhom min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam tal-kwistjonijiet dwar ir-Roma bħall-ERIO (l-Uffiċċju Ewropew għall-Informazzjoni dwar ir-Roma) jew iċ-Ċentru Amalipe;

u r-riżultati tas-sondaġġ onlajn imħejji mill-KESE li jikkonċerna s-27 Stat Membru.

4.2   Il-Kummissjoni Ewropea għamlet valutazzjoni rapida tal-istrateġiji nazzjonali li ntbagħtulha (8). B’mod ġenerali, il-KESE jaqbel mal-kritika li saret (9), u b’mod partikolari l-fatt li, b’rabta ma’ dak li jipprevedu l-istrateġiji, jeħtieġ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti iżjed, li jkun hemm kooperazzjoni iżjed mill-qrib mas-soċjetà ċivili, li jiġu previsti sorsi ta’ finanzjament li jkunu iżjed proporzjonati mal-kompiti u l-għanijiet ikkonċernati, żieda fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni adegwati tal-politiki u sforzi iżjed b’saħħithom fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

4.3   Prattikament fl-istess perjodu li fih tnieda l-kwestjonarju mħejji fuq talba tal-KESE, l-ERPC nediet sondaġġ ibbażat fuq metodoloġija simili li kien ikopri mistoqsijiet tal-istess tip. Ir-riżultati kienu ppubblikati, flimkien mal-valutazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, fi studju konġunt (10).

4.3.1   Hija u tisfrutta wkoll l-opportunitajiet ipprovduti min-netwerk tagħha stess, l-ERPC rċeviet 90 tweġiba (78 minnhom mill-Istati Membri) li ntużaw fil-kwestjonarju li indirizza lill-firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet Roma jew organizzazzjonijiet li jiddefendu l-interessi ta’ din il-komunità. B’mod ġenerali – allavolja l-pajjiżi differenti jvarjaw bejniethom – il-kontributuri stqarrew li l-livell ta’ parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess tat-tfassil tal-istrateġiji kien baxx u li meta l-parteċipazzjoni seħħet, l-impatt kien wieħed modest. Skont is-sondaġġ tal-ERPC, dan il-livell baxx ta’ parteċipazzjoni u ta’ impatt huwa marbut mal-fatt li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, kemm il-proċess għat-tfassil tal-istrateġiji kif ukoll il-pubblikazzjoni tar-riżultati huma limitati u huma kkaratterizzati minn nuqqas ta’ trasparenza (11).

4.3.2   Bil-għan li titħeġġeġ parteċipazzjoni iżjed wiesgħa u iżjed effikaċi tas-soċjetà ċivili, l-ERPC tirrakkomanda li tiġi stabbilita fil-livelli kollha kultura ta’ djalogu permanenti li jmur lil hinn mis-sempliċi obbligu ta’ konsultazzjoni, li jinħolqu mekkaniżmi adegwati ta’ parteċipazzjoni, li jiġi żgurat livell għoli ta’ trasparenza tal-azzjonijiet tal-gvernijiet u li jkun hemm feedback regolari dwar id-deċiżjonijiet meħudin. Fil-konklużjonijiet, ir-rapport josserva li l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma juru li jeżistu differenzi ċari u preokkupanti fil-livell tar-rieda politika li jiġu indirizzati d-diskriminazzjoni u l-preġudizzji fil-konfront tar-Roma, u li jiġu emendati l-politiki nazzjonali sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni ikbar min-naħa tar-Roma fl-oqsma kollettivi kollha tas-soċjetà.

4.4   Ir-riżultati tas-sondaġġ onlajn imħejji mill-KESE  (12).

4.4.1   Il-kwestjonarju onlajn, li kien fih mistoqsijiet ikklassifikati f’kategoriji magħluqin, intbagħat mir-riċerkaturi lil kważi 2 000 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u attivist involuti fil-kwistjonijiet relatati mar-Roma (13). Bħal fil-każ tas-sondaġġ tal-ERPC, ir-rata tat-tweġibiet kienet baxxa ħafna (14).

4.4.2   Il-kwestjonarju vvaluta l-livell ta’ sodisfazzjon f’dak li jirrigwarda l-kontenut tal-istrateġiji tal-UE u dawk nazzjonali abbażi ta’ 14-il kriterju analitiku differenti (15) fuq skala minn 1 sa 5, u l-medja tat-tweġibiet kienet inqas minn 2 (16). Għalhekk, għall-biċċa l-kbira tal-kontributuri, sa issa, l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma mhuma l-espressjoni la ta’ suċċess u lanqas ta’ rieda politika konvinċenti. Wisq probabbli, din il-fehma daqstant negattiva tista’ tispjega r-rata baxxa ħafna ta’ tweġibiet.

4.4.3   B’mod ġenerali, apparti n-nuqqas kbir ta’ informazzjoni u ta’ sodisfazzjon, dan is-sondaġġ jirrifletti ċerta frustrazzjoni u sfiduċja fost dawk li jitkellmu f’isem il-komunità Roma u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti tagħhom: l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma ma ssodisfawx fi ħdan il-komunità l-aspettativi li kulma jmur qed jikbru u l-fiduċja sinċiera li l-istrateġija tkun tista’ ttejjeb b’mod sostanzjali l-integrazzjoni soċjali tagħhom. Il-livelli baxxi ta’ tweġibiet u n-nuqqas ta’ sodisfazzjon huma wkoll sinjal li, minkejja l-intenzjonijiet iddikjarati, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persuni kkonċernati ma kinux involuti biżżejjed fl-ippjanar strateġiku, li l-mekkaniżmi fundamentali ta’ parteċipazzjoni ma nħolqux, jew saħansitra li l-proċessi attwali ma rnexxilhomx joħolqu l-fiduċja b’mod deċiżiv fost ir-rappreżentanti tal-persuni kkonċernati, minħabba, ta’ spiss, sekli ta’ diskriminazzjoni u segregazzjoni.

4.4.4   Ir-riżultati ta’ din ir-riċerka jikkonfermaw u jappoġġjaw bil-bosta r-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.

5.   Kummenti ġenerali

5.1   F’dawn l-aħħar snin, il-korpi u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għamlu sforzi serji u sagrifiċċji sabiex isaħħu l-integrazzjoni soċjali tar-Roma u jnaqqsu l-esklużjoni u l-faqar estrem li ta’ spiss ikunu vittmi tiegħu, bil-għan li r-Roma jiġu integrati mil-lat politiku, ekonomiku u soċjali fis-soċjetà bħala ċittadini Ewropej u nazzjonali b’mod sħiħ u bid-drittijiet kollha tagħhom.

5.2   Madankollu, sa issa, dawn l-isforzi kollha wasslu biss għal riżultati li, l-iżjed l-iżjed, nistgħu nsejħulhom limitati. Jidher li l-analiżi tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma turi b’mod konsistenti li huwa proċess għalkollox bżonjuż iżda assolutament mhux biżżejjed; l-analiżi turi wkoll li, minn naħa, il-persuni kkonċernati għandhom nuqqas ta’ informazzjoni u għandhom livell għoli ta’ sfiduċja dwar din il-kwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-persuni kkonċernati mhuma sodisfatti xejn bl-għanijiet u l-possibbiltà li dawn jintlaħqu. Huwa għal din ir-raġuni li l-adozzjoni tal-programmi strateġiċi għandha tiġi kkunsidrata bħala l-bidu tal-proċess ta’ inklużjoni u mhux bħala r-riżultat tiegħu.

5.3   B’mod ġenerali, ir-rakkomandazzjonijiet tagħna huma li jinstab mod biex jitwaqqfu, kemm fil-livell tal-Istati Membri (anke fil-livell reġjonali u lokali) kif ukoll fil-livell tal-UE, mekkaniżmi istituzzjonali abbażi ta’ ftehim wiesa’ fil-prinċipju u ta’ kunsens politiku qawwi, li, għall-integrazzjoni tar-Roma, ikunu integrati u inklużi fil-politiki, ikunu trasparenti, ibbażati fuq data evidenti, iwasslu għall-impatt ippjanat b’mod razzjonali u prevedibbli mogħnija b’sistema ta’ funzjonament prevedibbli, u li jiżguraw parteċipazzjoni wiesgħa min-naħa tas-soċjetà u, b’mod partikolari, tar-Roma u l-fatturi soċjali li jsostnuhom.

5.4   Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-fatt li, jekk il-biċċa l-kbira tal-istrateġiji jistabbilixxu għanijiet adegwati, l-istrumenti u r-riżorsi disponibbli biex jintlaħqu dawn l-għanijiet ma jidhrux b’saħħithom biżżejjed biex ipattu għall- impatt negattiv kontinwu tad-diskriminazzjoni u tal-esklużjoni fuq ħajjet u l-opportunitajiet tal-persuni kkonċernati. Dan huwa minnu b’mod partikolari f’perjodu ta’ kriżi ekonomika u soċjali, peress li din għandha prinċipalment impatt negattiv fuq il-gruppi soċjali l-iżjed vulnerabbli – huwa fatt ovvju, iżda li r-riċerkaturi enfasizzaw ukoll. F’dawn il-gruppi, l-esklużjoni hija tant serja li l-kwalità ta’ ħajja u l-opportunitajiet soċjali ma jeżistux iżjed u ma għad għandhom l-ebda sinifikat.

5.5   Rakkomandazzjonijiet politiċi

5.5.1

Hemm periklu kbir li nibqgħu ma nibbefikawx mill-klima pożittiva li teżisti fl-UE fil-konfront tal-kwistjonijiet relatati mar-Roma, u li minflok nieħdu daqqa ta’ ħarta, b’konsegwenzi serji. Huwa għalhekk li fil-fehma tal-Kumitat huwa partikolarment importanti li jsiru monitoraġġ u reviżjoni kontinwi tal-politiki tal-gvern mill-perspettiva tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, bil-għan li l-effetti negattivi potenzjali jew anke dannużi tagħhom ma jġibux fix-xejn il-benefiċċji mixtieqa tal-istrateġiji. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti mekkaniżmi effikaċi ta’ koordinazzjoni u ta’ aġġustament tal-politiki.

5.5.2

L-analiżi tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma turi li jeżistu disparitajiet inkwetanti bejn, minn naħa, ir-rieda politika affermata li jintemmu għalkollox id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali li huma vittmi tagħhom ir-Roma, u min-naħa l-oħra, l-effikaċja tal-istrumenti, ir-riżorsi u l-mekkaniżmi disponibbli. Il-Kumitat jirrakkomanda li tittieħed azzjoni iżjed deċiżiva minn qabel kontra l-isfruttament ta’ din il-kwistjoni għal finijiet politiċi.

5.6   Il-politika tal-gvern dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u t-tixrid ta’ informazzjoni dwarha

5.6.1

Il-Kumitat huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma dejjem ikollhom viżjoni bbażata fuq id-drittijiet, li tiggarantixxi li ċ-ċittadini tal-Istati Membri jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess drittijiet fundamentali, garantiti mil-leġislazzjoni Ewropea u mit-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.

5.6.2

Jeħtieġ li l-prijorità tingħata lill-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja soċjali. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-politiki tal-UE u tal-Istati Membri fil-qasam tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għandhom ikunu jistgħu jippermettu b’mod iżjed wiesa’ li l-każijiet ta’ diskriminazzjoni jiġu aġġornati u jkunu penalizzati b’konformità mat-tradizzjonijiet ġuridiċi Ewropej.

5.6.3

Jeħtieġ li jiġu difiżi d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti Roma u li jkun possibbli li dawn id-drittijiet jiġu applikati bis-sħiħ. Sabiex dan iseħħ, jeħtieġ li jiġi inkluż ukoll id-dritt għall-edukazzjoni u d-dritt għall-kura tas-saħħa ta’ livell adegwat. Minflok ma titħaddem politika ta’ tkeċċija, għandha, safejn possibbli, tiġi implimentata politika iżjed ibbilanċjata għall-integrazzjoni tal-migranti Roma li jkunu ġejjin minn Stati Membri tal-Unjoni (ċittadini Ewropej).

5.6.4

Għandu jsir sforz partikolari b’mod li jsir prattika komuni l-fatt li r-Roma jkunu integrati fil-mezzi tax-xandir, fl-iskejjel u f’oqsma pubbliċi oħra. Jeħtieġ li jitnedew programmi għat-tixrid tal-istorja u l-kultura Roma, filwaqt li jkun hemm għarfien fost il-pubbliku inġenerali dwar il-problemi li jiffaċċjaw f’sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni u esklużjoni. Huwa importanti li r-Roma nnifishom jipparteċipaw f’dan il-proċess ta’ sensibilizzazzjoni tas-soċjetà.

5.6.5

Jeħtieġ li jiġu esposti b’mod koerenti l-każijiet kollha ta’ razziżmu u ksenofobija u li, f’każ ta’ bżonn, jiġu applikati sanzjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, dawk li jsawru l-opinjoni, b’mod partikolari l-elit politiku u medjatiku, għandhom jerfgħu responsabbiltà speċjali.

5.6.6

Jeħtieġ li nevitaw li nipperċepixxu r-Roma bħala minoranza etnika kriminali, u li nużaw lingwaġġ li jassoċjahom ma’ fenomeni soċjali negattivi (kriminalità, imġiba mhux konformi man-normi ġenerali tas-soċjetà, eċċ.). Jeħtieġ li jinstab mod biex dan it-tip ta’ lingwaġġ jintemm għalkollox. Jeħtieġ li jsir sforz biex dan jiġi applikat b’mod partikolari fis-sistema ġudizzjarja penali u fil-mezzi tax-xandir.

5.6.7

Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn li jiġi adottat approċċ pożittiv globali fil-konfront tas-sitwazzjoni soċjali tar-Roma. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-UE u n-netwerks tagħhom iħabirku biex ma jassoċjawx lir-Roma u l-komunità tagħhom biss ma’ qafas soċjali problematiku, u ma jpinġuhomx bħala persuni kkaratterizzati minn problemi, u minflok ifittxu li jenfasizzaw individwi u komunitajiet Roma fl-Ewropa li għamlu suċċess, li jikkostitwixxu mudell ta’ aspirazzjoni u integrazzjoni soċjali, u li jsejħu lilhom innifishom Roma.

5.6.8

L-implimentazzjoni ta’ politiki tal-integrazzjoni timplika fattur deċiżiv, jiġifieri li l-individwi għandhom is-saħħa, l-istrumenti u s-setgħa li jsawru d-destin tagħhom stess. Għalhekk, il-politika, kemm b’mod ġenerali kif ukoll fl-aspetti ta’ speċjalizzazzjoni tagħha, għandha tikkontribwixxi biex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar id-destin tagħhom stess – fl-oqfsa proposti mill-istat tad-dritt – u b’mod li l-biċċa l-kbira tas-soċjetà tkun tista’ taċċetta dan, abbażi ta’ interessi komuni.

5.7   Parteċipazzjoni

5.7.1

Il-Kumitat jenfasizza li s-soċjetà ċivili ma għandhiex taqdi biss rwol passiv u “kosmetiku” fil-proċessi tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, iżda għandha taqdi rwol attiv.

5.7.2

Huwa jappoġġja t-twaqqif ta’ netwerk tal-punti ta’ kuntatt Roma fil-livell nazzjonali – kif previst mill-Kummissjoni Ewropea – iżda jenfasizza li dan jagħmel sens biss jekk ikollhom is-setgħat u r-riżorsi, b’mod partikolari dawk finanzjarji, adatti. L-azzjoni li jieħdu għandha f’kull każ tieħu l-forma ta’ kooperazzjoni mill-qrib u istituzzjonalizzata mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

5.7.3

Jeħtieġ li l-pjattaforma Ewropea għall-inklużjoni tar-Roma tiġi involuta fil-valutazzjoni ta’ programmi strateġiċi. Sabiex dan iseħħ, hemm bżonn li jissaħħaħ il-funzjonament tagħha.

5.7.4

Is-soċjetà ċivili organizzata, inklużi l-organizzazzjonijiet u l-gruppi ta’ interess Roma, għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċessi kollha tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma (ippjanar, implimentazzjoni, monitoraġġ u valutazzjoni), u dan mhux biss fil-livell nazzjonali, iżda wkoll f’dak reġjonali u lokali. Dan l-approċċ għandu jiġi applikat fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u għandhom jiġu stabbiliti l-proċessi ta’ funzjonament tiegħu, il-forums ta’ konsultazzjoni, l-arranġamenti li jiżguraw it-trasparenza tiegħu, l-istrumenti u r-riżorsi.

5.7.5

Il-Kumitat jenfasizza li jeħtieġ li tiġi stabbilita politika li tiffaċilita l-involviment fis-soċjetà ta’ dawk iċ-ċittadini li jqisu lilhom innifishom bħala membri ta’ xi komunità Roma, u jeħtieġ ukoll li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tagħhom. Għal dan il-għan, għandha tinħoloq sistema ta’ appoġġ.

5.8   Monitoraġġ u valutazzjoni

5.8.1

Fid-dawl tal-fatt li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni ġeneralment mhumiex previsti fil-qafas tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma tal-Istati Membri, jew jikkostitwixxu biss komponent li mhuwiex żviluppat biżżejjed fi ħdanhom, il-Kumitat jitlob li kull Stat Membru jikkompleta l-programm tiegħu f’dan il-qasam u jiddefinixxi l-entitajiet organizzattivi responsabbli u l-proċessi istituzzjonali, l-indikaturi relatati ma’ dawn l-għanijiet, il-metodu ta’ valutazzjoni, is-sorsi ta’ informazzjoni, eċċ.

5.8.2

L-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma għandhom ukoll jiġu rieżaminati u jkunu soġġetti għal monitoraġġ kontinwu bil-għan li jkun magħruf jekk jelenkawx, fil-ħames oqsma ewlenin ta’ intervent tal-istrateġija qafas, politiki globali u koerenti, jekk jikkompletawx l-oqfsa li huma attwalment inkompleti, u jekk, f’dan ir-rigward, jiggarantixxux programmi ta’ azzjoni adegwati kif ukoll l-istrumenti finanzjarji relatati.

5.8.3

L-Istati Membri għandhom jagħmlu mod li l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma jkunu koerenti mal-politiki ta’ żvilupp fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u li jkun possibbli li jitwaqqfu jew jiġu kontrobilanċjati l-effetti negattivi ta’ dawn il-politiki fuq l-għanijiet tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma.

5.8.4

Il-Kumitat jirrakkomanda li, f’kull Stat Membru, il-Kummissjoni Ewropea twaqqaf netwerk ta’ esperti indipendenti bil-għan li ssir valutazzjoni motivata tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma. Barra minn hekk, jitlob li l-Istati Membri, anke fil-programmi operattivi, jiddedikaw ukoll riżorsi għall-monitoraġġ Komunitarju u għall-valutazzjoni (indipendenti) min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa fundamentali li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni jiġu kkunsidrati fil-finanzjament tal-programmi.

5.8.5

Il-Kumitat jirrakkomanda li minbarra l-koordinazzjoni tal-Eurostat, l-esperti tal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika jfasslu wkoll l-indikaturi meħtieġa biex isir monitoraġġ, abbażi tal-evidenza, tal-istrateġiji relatati mar-Roma, kif ukoll metodu statistiku uniformi għad-definizzjoni tal-indikaturi.

5.9   Riżorsi

5.9.1

Il-Kumitat jenfasizza li għandhom jiġu previsti riżorsi li jkunu adatti għall-għanijiet adottati fid-dokumenti politiċi u li jiġu ddedikati partiti baġitarji distinti.

5.9.2

Is-sitwazzjoni ta’ kriżi tolqot l-ewwel u qabel kollox lil dawk l-iżjed vulnerabbli. Bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, jistgħu jsiru xi aġġustamenti kemm tal-politiki dwar ir-riżorsi kif ukoll mil-lat tal-adattament tal-prijoritajiet skont l-iżvolġiment tas-sitwazzjoni. Dawn l-aġġustamenti għandhom madankollu jiġu deċiżi b’mod trasparenti u fil-qafas ta’ proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jiżgura kunsens mar-rappreżentanti tal-persuni kkonċernati.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar “It-tisħiħ tal-awtonomija soċjali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini tar-Roma fl-Ewropa” (ĠU C 248, 25.08.2011, p. 16-21).

(2)  COM(2011) 173 final.

(3)  L-għaxar prinċipji bażiċi għall-inklużjoni tar-Roma (mhux disponibbli bil-Malti) ġew preżentati fl-ewwel laqgħa tal-pjattaforma li saret fl-24 ta’ April 2009. Nisħqu b’mod partikolari fuq dawn il-prinċipji: “Immirar espliċitu iżda mhux esklużiv”, “Approċċ interkulturali” u “L-għan aħħari tal-inklużjoni sħiħa tar-Roma fis-soċjetà ordinarja”.

(4)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/lsa/122100.pdf.

(5)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar “Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-ROM sal-2020”.

(6)  ĠU C 248, 25.08.2011, p. 16-21.

(7)  Review of EU Framework NRIS (Reviżjoni tal-qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma), OSI, 2012, http://www.soros.org/sites/default/files/roma-integration-strategies-20120221.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom: wieħed mill-ewwel passi fl-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE (COM(2012) 226) u SWD (2012) 133, 21 ta’ Mejju 2012.

(9)  “… l-Istati Membri qed jagħmlu sforzi biex jiżviluppaw approċċ komprensiv lejn l-integrazzjoni tar-Rom. Madankollu, għad fadal ħafna xi jsir fil-livell nazzjonali. L-inklużjoni soċjoekonomika tar-Rom tibqa’ l-ewwel u qabel kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u se jkunu jeħtieġu sforzi ikbar biex jassumu r-responsabiltajiet tagħhom, billi jadottaw miżuri aktar konkreti, miri espliċiti għal riżultati miżurabbli, fondi mmirati b’mod ċar fuq il-livell nazzjonali kif ukoll sistema nazzjonali soda ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni”.

(10)  Analysis of National Roma Integration Strategies (Analiżi tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma), ERPC, Marzu 2012 (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  “(…) a large majority of respondents across Member States described the drafting process of the NRIS as lacking transparency. In most of the cases, stakeholders’ participation, in particular the involvement of Roma, is still unclear with regard to implementation of the NRIS”. (Maġġoranza kbira tal-kontributuri fl-Istati Membri ddeskrivew il-proċess tal-abbozzar tal-NRIS bħala nieqes mit-trasparenza. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, b’mod partikolari l-involviment tar-Roma, għadha mhix ċara rigward l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni). (mhux disponibbli bil-Malti).

(12)  A study on the participation and activities of Roma and/or non-governmental organisations in the development and approval of national Roma integration strategies (Studju dwar il-parteċipazzjoni u l-attivitajiet tar-Roma u/jew tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-izvilupp u l-adozzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma) Kontra Ltd., Budapest 2012. Manuskritt.

(13)  Permezz tal-metodu magħruf bħala snowball sampling, il-kwestjonarji mibgħuta lil kważi 800 indirizz, laħqu lil kważi 2 000. Ir-riċerkaturi bagħtu tliet tfakkiriet lil dawn l-organizzazzjonijiet.

(14)  Fiż-żewġ każijiet, intbagħtu 78 kwestonarju. Kull Stat Membru bagħat ir-risposti tiegħu, iżda, rigward l-għadd totali ta’ tweġibiet, hemm differenzi relattivament kbar bejn Stat Membru u ieħor. Minn dan joħroġ li hemm iżjed kontributuri mill-pajjiżi li għandhom popolazzjoni Roma iżjed kbira.

(15)  Il-fehmiet analitiċi vvalutaw, minn naħa, is-sodisfazzjon fil-konfront tal-kontenut tal-oqsma essenzjali tal-istrateġiji u, min-naħa l-oħra, is-sodisfazzjon fil-konfront tat-trasparenza tal-proċess tat-tfassil tal-istrateġija u tal-possibbiltajiet differenti tal-parteċipazzjoni.

(16)  Il-medja għall-mistoqsijiet differenti kienet bejn 1,6 u 2,7.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-484 sessjoni plenarja tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012

15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tat-trattament tal-vawċers”

COM(2012) 206 final — 2012/0102(CNS)

2013/C 11/06

Relatur: is-Sur PÁLENÍK

Nhar l-24 ta’ Mejju 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tat-trattament tal-vawċers

COM(2012) 206 final – 2012/0102 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Ottubru 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’116-il vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 18-il astensjoni.

1.   Sinteżi tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE

1.1

Fl-10 ta’ Mejju 2012 il-Kummissjoni ppreżentat il-Proposta tagħha għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tat-trattament tal-vawċers. L-għan huwa li l-vawċers ikunu soġġetti għal tassazzjoni komprensiva, newtrali u trasparenti.

1.2

Il-Kummissjoni tixtieq tintroduċi regoli komuni sabiex jiġu evitati t-tassazzjoni doppja u l-evitar tat-taxxa. Hija tinsab konvinta li jekk tinżamm il-qagħda attwali se jiżdiedu l-iżbilanċi fis-suq uniku, ħaġa li twassal għad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba li l-kundizzjonijiet ma jkunux l-istess għall-parteċipanti kollha f’dak is-suq.

1.3

Fi żminijiet reċenti, b’mod partikolari, kien hemm żieda sostanzjali fl-użu tal-vawċers. L-applikazzjonijiet u l-użi diversi tagħhom joħolqu ambigwitajiet fejn tidħol ir-responsabbiltà fiskali. Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli kemm jista’ jkun ċari għall-Istati Membri kollha sabiex jiġu limitati l-iżbilanċi fis-suq uniku.

1.4

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforz biex jiġu definiti diversi forom ta’ vawċers bl-iktar mod preċiż possibbli. L-għan hawnhekk huwa li jiġi limitat l-evitar tat-taxxa meta jintużaw il-vawċers. Fl-istess waqt, ir-regoli ser jiżguraw li l-emittenti tal-vawċers ma jkollhomx żvantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom.

1.5

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon partikolari l-impenn tal-Kummissjoni biex tneħħi l-piż amministrattiv żejjedd fid-distribuzzjoni ta’ vawċers b’użi multipli, fejn huwa biss dak li jsarrafhom li għandu jħallas it-taxxa billi huwa biss jaf meta u kif intuża l-vawċer.

1.6

Mhu ser ikun hemm l-ebda valur miżjud fid-definizzjoni tar-regoli għall-obbligi tat-taxxa relatati mat-trattament tal-vawċers sakemm l-Istati Membri kollha jirrispettaw dawk ir-regoli. Għal din ir-raġuni huwa essenzjali li l-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli komuni u jneħħu d-diversi eżenzjonijiet li jostakolaw il-kompetizzjoni u jdgħajfu l-ambjent kompetittiv.

1.7

Il-Kummissjoni qed tipprova tibdel id-direttiva dwar il-VAT fil-mod kif tapplika għall-vawċers minħabba l-espansjoni fis-servizzi tat-telekomunikazzjoni, fejn il-krediti telefoniċi mħallsa minn qabel jirrappreżentaw parti mdaqqsa tal-ammont totali tal-vawċers.

1.8

Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għal għadd ta’ kwistjonijiet li jridu jiġu solvuti qabel ma tidħol fis-seħħ id-direttiva. Dawk ewlenin jikkonċernaw problemi potenzjali b’limiti differenti għall-eżenzjoni mit-taxxa fl-Istati Membri individwali meta l-vawċers jingħataw b’xejn, in-nuqqas ta’ miżuri ta’ tranżizzjoni u l-assenza ta’ regoli li jkopru każijiet meta ma jissarrfux vawċers b’użu uniku.

2.   Il-punti ewlenin u l-kuntest tal-Opinjoni

2.1

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud tistabbilixxi r-regoli dwar il-ħin u l-post ta’ provvista ta’ oġġetti u servizzi, l-ammont taxxabbli, l-imponibilità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u d-dritt għal tnaqqis. Madankollu, dawn ir-regoli mhumiex biżżejjed sabiex jiżguraw il-konsistenza fl-aspetti kollha tat-tassazzjoni tal-vawċers. Dan jirriżulta fi żbilanċi serji biżżejjed li jaffettwaw b’mod negattiv il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku.

2.2

L-approċċ mhux koordinat li jeżisti bħalissa bejn l-Istati Membri jagħti lok għal żbilanċi konsiderevoli fis-suq u dawn iridu jitneħħew. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu introdotti regoli komuni sabiex jiġi żgurat trattament ċert u uniformi, jiġu evitati l-inkonsistenzi, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, it-tassazzjoni doppja jew in-nuqqas ta’ tassazzjoni u jitnaqqas ir-riskju tal-evitar tat-taxxa b’rabta mal-vawċers.

2.3

Il-vawċers għandhom varjetà ta’ karatteristiċi li jagħmluhom problematiċi fir-rigward tat-tassazzjoni. Għalhekk huwa neċessarju li ssir distinzjoni bejn it-tipi varji u jiġu stabbiliti regoli ċari kif dan għandu jsir.

2.4

L-għan tad-direttiva huwa li ssir distinzjoni bejn strumenti ta’ ħlas u vawċers u li dawn tal-aħħar jiġu definiti, billi jistgħu jkunu f’għamla fiżika jew elettronika skont l-użu tagħhom. Huma speċifikati wkoll l-obbligi tal-emittent tal-vawċers.

2.5

Vawċer huwa d-dritt li jiġu riċevuti oġġetti jew servizzi jew li jingħata skont. Madankollu, dawn id-drittijiet ta’ sikwit jiġu trasferiti minn persuna għal oħra mingħajr ma jissarrfu. Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ tassazzjoni doppja, kieku s-servizz irrappreżentat minn dritt bħal dan kellu jiġi intaxxat, ikun jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-assenjazzjoni ta’ dan id-dritt u t-tisrif tal-oġġetti jew tas-servizzi għandhom jitqiesu bħala tranżazzjoni waħda.

2.6

Sabiex tiġi żgurata n-newtralità, l-obbligu tat-taxxa għandu jirrelata ma’ tranżazzjoni unika għal oġġetti jew servizzi pprovduti bi skambju ta’ vawċer.

2.7

Id-direttiva tipprevedi li l-vawċers maħruġa minn aġenti tal-ivvjaġġar għandhom jiġu intaxxati fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-aġent tal-ivvjaġġar. Sabiex jitwaqqfu t-tentattivi biex jinbidel il-post tat-tassazzjoni, l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti bl-użu ta’ dawn il-vawċers ukoll huma soġġetti għal din id-dispożizzjoni.

2.8

Fejn il-vawċers jgħaddu minn katina ta’ distribuzzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li l-valur aħħari jiġi stabbilit meta jinħarġu dawn il-vawċers, li jfisser li l-livell tal-VAT jibqa’ ma jinbidilx matul il-proċess ta’ distribuzzjoni.

2.9

Jekk il-vawċers jiġu distribwiti minn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha stess iżda għal persuna oħra, il-persuna taxxabbli titqies li tkun irċeviet u forniet il-vawċers hija stess. Jekk id-distribuzzjoni tkun tinvolvi vawċers b’użi multipli fejn it-tassazzjoni sseħħ biss ladarba l-vawċer jissarraf, dan jirriżulta f’aġġustamenti għall-istadji kollha tal-katina tad-distribuzzjoni, u dan jiġġenera ftit jew l-ebda dħul fiskali ġdid. Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv eċċessiv, il-persuna taxxabbli li tqassam vawċers bħal dawn m’għandhiex titqies li tkun irċeviet u forniet il-vawċer hija stess.

2.10

Il-Kummissjoni tiddefinixxi t-tassazzjoni tal-vawċers b’użi multipli meta jiġu distribwiti. Fejn id-distributur jagħmel profitt billi jbiegħ lil distributur ieħor, is-servizz ta’ distribuzzjoni għandu jiġi intaxxat skont il-marġini tad-distributur.

2.11

Il-proposta għal direttiva tipprevedi t-tneħħija tal-eżenzjonijiet kollha mitlubin mill-Istati Membri b’rabta mat-tassazzjoni fuq il-provvista ta’ oġġetti jew servizzi transkonfinali. Din id-dispożizzjoni għandha tillimita l-possibilità ta’ tassazzjoni doppja jew ta nuqqas ta’ tassazzjoni.

2.12

Il-Kummissjoni taqsam il-vawċers f’dawk b’użu uniku u dawk b’użi multipli, skont kif jintużaw. Il-vawċers b’użu uniku jirrappreżentaw id-dritt li tiġi riċevuta provvista ta’ oġġetti jew servizzi fejn il-post tal-provvista u l-ammont riċevut għall-vawċer huwa magħruf. Fil-każ ta’ vawċers b’użu uniku, il-VAT titħallas fuq l-ammont riċevut għall-vawċer, anke jekk il-ħlas isir qabel ma jiġu fornuti l-oġġetti jew is-servizz. Fil-każ ta’ vawċers b’użi multipli, ir-responsabbiltà tat-taxxa tintrefa’ biss meta jissarraf il-vawċer.

2.13

Fejn il-vawċers jipprovdu skont fuq il-provvista ta’ oġġetti jew servizzi, il-Kummissjoni tiddetermina li dan ifisser li l-fornitur ikun ipprovda servizz lill-emittent tal-vawċer jekk dan jissarraf.

2.14

Meta tnaqqis fil-prezz tal-oġġetti u s-servizzi jingħata bi skambju għal vawċer, ir-rimborż riċevut minn min isarraf mingħand l-emittent tal-vawċer jikkostitwixxi l-ammont taxxabbli tas-servizz promozzjonali pprovdut minn min isarraf lill-emittent tal-vawċer.

2.15

Fil-każ ta’ vawċers b’użi multipli, huwa biss min isarraf il-vawċer li jaf dak li ġie fornut, u meta u fejn. Sabiex jiġi żgurat li l-VAT titħallas, min isarraf il-vawċer biss għandu jkun responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq l-oġġetti jew is-servizzi fornuti lill-awtoritajiet tat-taxxa.

2.16

Il-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tal-iżgurar tal-applikazzjoni u l-ġbir korrett tal-VAT dovuta fejn il-vawċers ikunu distribwiti b’mod transkonfinali, jekk din id-distribuzzjoni toħloq servizz separat differenti mill-oġġetti jew is-servizzi li qed jiġu akkwistati għall-vawċer.

2.17

Peress li s-semplifikazzjoni, l-armonizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tar-regoli dwar il-VAT li japplikaw għal vawċers ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri waħedhom, il-Kummissjoni pproponiet din id-Direttiva fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-tentattiv tal-Kummissjoni biex tissemplifika, tarmonizza u timmodernizza r-regoli tal-VAT fis-suq uniku. Fil-qagħda attwali, meta l-Istati Membri jindirizzaw waħedhom it-tassazzjoni b’rabta mal-vawċers, ikun hemm it-tassazzjoni doppja jew l-evitar tat-taxxa, ħaġa li twassal għad-distorsjoni tas-suq uniku.

3.2

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-approċċ tal-Kummissjoni fit-twessigħ tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tat-trattament tal-vawċers. Madankollu, huwa jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-futur qarib tindirizza swieq oħra wkoll – li bl-ebda mod ma jistgħu jitqiesu marġinali – tal-prodotti u s-servizzi, bħat-trasport, it-telefowns intelliġenti (smartphones), l-internet u s-siti tan-netwerks soċjali.

3.3

Il-bidliet fid-direttiva ma jindirizzawx il-problemi tal-kupuni, li jintużaw b’mod simili. Jekk ir-regoli jinbidlu biss għall-vawċers, huwa mistenni li jiżdied l-użu ta’ strumenti li jixbhuhom iżda li għalihom m’hemmx regoli definiti b’mod ċar. Għaldaqstant, ikun siewi li jiżdied il-kunċett ta’ “kupun” fid-Direttiva u jiġu stabbiliti r-regoli għat-trattament tal-kupuni.

3.4

Id-Direttiva qed tiġi emendata primarjament minħabba ż-żieda fl-użu tal-vawċers fil-qasam tat-telekomunikazzjoni, li jirrappreżenta l-biċċa l-kbira tas-suq tagħhom. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tillimita b’mod strett l-użu tal-vawċers telefoniċi, peress li t-teknoloġiji moderni jfissru li l-firxa ta’ użi potenzjali hija wiesgħa ħafna.

3.5

Il-KESE jaqbel li d-Direttiva għandha titwessa’ biex tkopri l-VAT b’rabta mal-vawċers. La s-Sitt Direttiva tal-VAT (1) u lanqas id-Direttiva tal-VAT (2) ma jipprovdu r-regoli għat-trattament tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-vawċers. B’riżultat ta’ dan jeżistu problemi bl-ammont taxxabbli jew il-ħin jew il-post tat-tranżazzjoni. Fil-każ tad-distribuzzjoni transkonfinali tal-vawċers, kien hemm inċertezza rigward it-tranżazzjonijiet u nqalgħu diffikultajiet fl-interpretazzjoni, kemm għall-emittenti kif ukoll għad-distributuri tal-vawċers.

3.6

Ir-regoli komuni tal-VAT ġew adottati fl-1977 u s-suq uniku issa jrid jindirizza għadd ta’ bidliet li saru mal-milja taż-żmien bħala riżultat ta’ modi ġodda kif isir in-negozju. Għal din ir-raġuni huwa essenzjali li r-regoli tal-VAT jiġu aġġoranti b’konformità mal-bidliet fil-mod kif iġibu ruħhom l-operaturi tas-suq. Il-vawċers u l-mod kif jiġu intaxxati hija waħda mill-bidliet li ma ġewx previsti fil-passat u li issa jridu jiġu koperti mir-regoli.

3.7

L-istabbiliment ta’ regoli ċari ser isolvi diversi kwistjonijiet li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti ħarġet għadd ta’ linji gwida parzjali dwar din il-kwistjoni, iżda dawn ma jindirizzawx il-problema kollha kemm hi. Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet fir-rigward tal-VAT b’rabta mal-vawċers li jistabbilixxu regoli ċari għall-qasam tan-negozju u jeqirdu t-tassazzjoni doppja u n-nuqqas ta’ tassazzjoni.

3.8

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-definizzjoni ta’ vawċers b’użu uniku, b’użi multipli u dawk ta’ skont, li ċċarat ir-regoli li jridu josservaw l-operaturi tas-suq f’qasam li huwa tabilħaqq wiesa’ ħafna.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-distinzjoni bejn is-servizzi b’pagament u l-vawċers. Huwa jilqa’ wkoll id-distinzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(a) tal-Proposta għal Direttiva bejn vawċers b’użu uniku, dawk b’użi multipli u dawk ta’ skont. Din l-ispjega tfisser li issa t-tipi varji ta’ vawċers issa huma definiti.

4.2

Għandu jiġi stabbilit perjodu massimu li fih il-konsumatur jista’ jsarraf il-vawċer għaliex mingħajr dan jinħolqu problemi fejn jidħol ir-rimborż tal-VAT jekk ir-rati tat-taxxa jinbidlu.

4.3

Għandha tiġi milqugħa b’sodisfazzjon id-definizzjoni fl-Artikolu 30(b) ta’ tranżazzjoni unika bħala l-provvista ta’ vawċer li jagħti d-dritt li jiġu fornuti oġġetti jew servizzi u l-provvista sussegwenti ta’ dawn l-oġġetti jew servizzi. Din tissemplifika l-issodisfar tal-obbligi fiskali. Dan l-Artikolu għandu jintrabat ukoll mal-Artikolu 74(c).

4.4

L-Artikolu 65, li jiddefinixxi kemm meta l-VAT tiġi imposta kif ukoll l-ammont taxxabbli, jissemplifika b’mod sostanzjali l-użu tal-vawċers b’użu uniku.

4.5

Il-proċedura trid tiġi speċifikata għall-vawċers b’użu uniku. Il-vawċers b’użu uniku jiġu ntaxxati meta jinbiegħu. Jekk, madankollu, vawċer b’użu uniku ma jissarrafx, kif ikkonfermat deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, hawnhekk ma jeżistix dritt li tiġi rkuprata t-taxxa mill-emittent tal-vawċer. Madankollu, l-emittent ikun diġà ħallas il-VAT.

4.6

Hemm bżonn ta’ aktar dettall sabiex il-proċedura tiġi segwita fil-każ ta’ vawċers b’użi multipli fejn m’hemmx marġini tad-distributur jew marġini negattiva u fejn xi Stati Membri jkollhom bażi taxxabbli differenti jew bi klassifikazzjoni żero – għall-prodotti farmaċewtiċi pereżempju.

4.7

Il-Kummissjoni tistabbilixxi li sakemm l-oġġetti jew is-servizzi fornuti meta jissarraf il-vawċer jiġu intaxxati, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas il-VAT dovuta fuq l-infiq b’rabta mal-ħruġ tal-vawċer. Għandu jiġi ċċarat li din l-ispiża tal-VAT tista’ titnaqqas anke jekk dawk l-oġġetti jew servizzi jkunu fornuti minn xi ħadd li ma jkunx l-emittent tal-vawċer.

4.8

Il-KESE jara problemi potenzjali fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 74(a), fejn jistgħu jinħolqu kumplikazzjonijiet fil-każ ta’ vawċers b’użi multipli li jintużaw fi Stati differenti. Jista’ jkun diffiċli li jiġi kkwantifikat l-ammont taxxabbli u l-valur nominali tat-tranżazzjoni b’rabta mar-rati tal-VAT differenti fil-pajjiżi fejn jintużaw il-vawċers.

4.9

Il-KESE jara wkoll problema oħra fir-rigward tal-arranġamenti ta’ tranżizzjoni meħtieġa meta jiġu introdotti regoli tat-taxxa uniformi għall-vawċers – b’mod speċjali t-tul ta’ żmien tagħhom, billi ħafna vawċers b’użi multipli jkollhom perjodu ta’ tisrif twil.

4.10

Jista’ jinħoloq piż amministrattiv eċċessiv fejn partijiet ta’ tranżazzjoni jsiru fi Stati Membri differenti. Eżempju wieħed jista’ jkun il-konsum parzjali ta’ krediti mħallsa minn qabel tat-telekomunikazzjoni fi Stati Membri differenti.

4.11

Jitqajmu wkoll għadd ta’ mistoqsijiet meta l-vawċers jingħataw bħala promozzjoni ta’ oġġetti jew servizzi. F’dan il-każ, ta’ sikwit ma jissarrfux jew jissarrfu mingħajr l-għarfien tal-emittent, ħaġa li tagħmel it-tassazzjoni diffiċli.

4.12

Fil-qagħda attwali, bosta Stati Membri għandhom limiti safejn jiġu eżentati l-vawċers promozzjonali tal-kumpaniji għal oġġetti u servizzi. Il-fatt li hemm differenzi fis-saħħa ekonomika u d-daqs tas-swieq fl-Istati Membri jfisser li dawn il-limiti jvarjaw ħafna. Dawn il-pajjiżi jkollhom ineħħu dawn l-eżenzjonijiet sabiex jevitaw id-distorsjonijiet fis-suq uniku. Dan iwaqqaf kull possibilità ta’ spekulazzjoni minn kumpaniji li jfittxu li jottimizzaw ir-responsabbiltà fiskali tagħhom billi jipprovdu u jiddistribwixxu vawċers promozzjonali f’pajjiżi li għandhom limiti fuq l-eżenzjonijiet tat-taxxa għal dawn il-vawċers. Filwaqt li jista’ jinżamm limitu, għandu jkun l-istess għal kulħadd u x’aktarx għandu jiġi ristrett għall-vawċers, peress li limitu ġenerali għall-materjali promozzjonali joħloq il-problemi.

4.13

Il-KESE jistenna li l-introduzzjoni ta’ regoli komuni fl-Istati Membri kollha u t-tneħħija tal-opportunitajiet kollha ta’ evażjoni tat-taxxa se jżidu l-ġbir tal-VAT mill-vawċers u għalhekk id-dħul mit-taxxa tal-Istati Membri, u b’hekk jissaħħu l-ambitu, in-newtralità u t-trasparenza ta’ dan it-tip ta’ tassazzjoni. Il-bidla fid-Direttiva għalhekk se jkollha impatt fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm huwa diffiċli ħafna li din tiġi kkwantifikata, il-KESE jistenna li se tkun bidla pożittiva.

4.14

Kien hemm żieda sostanzjali, fis-snin reċenti b’mod partikolari, fl-użu tal-vawċers – jew vawċers ta’ skont – għal oġġetti jew servizzi. It-tipi u l-użi ta’ dawn il-vawċers qed jiżdiedu u jespandu l-ħin kollu u m’hemmx dubju li din it-tendenza se tkompli. Għaldaqstant, wieħed għandu jassumi li se jkunu meħtieġa regoli ġodda għal tipi ġodda ta’ vawċers li ma jkollhomx użu definit b’mod ċar.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1) (“is-Sitt Direttiva tal-VAT”).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1) (“id-Direttiva tal-VAT”), li tieħu post is-Sitt Direttiva tal-VAT mill-1 ta’ Jannar 2007.


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT”

COM(2012) 428 final — 2012/0205 (CNS)

2013/C 11/07

Relatur Ġenerali: is-Sur PÁLENÍK

Nhar il-5 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ reazzjoni rapida kontra l-frodi tal-VAT

COM(2012) 428 final – 2012/0205 (CNS).

Nhar is-17 ta’ Settembru 2012, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu ta1-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-15 ta’ Novembru) li jaħtar lis-Sur PÁLENÍK bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’ 112-il vot favur, l-ebda (0) vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Din l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) hija dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tintroduċi Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida (MRR) biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġġieldu b’mod aktar effettiv il-frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), l-aktar billi jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-introduzzjoni ta’ deroga dwar min għandu jħallas il-VAT. Din il-miżura telimina wkoll ir-riskju li jiġu introdotti miżuri nazzjonali għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT li ma jkollhomx bażi legali fil-leġislazzjoni Ewropea.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-għan tal-Proposta, jiġifieri li l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT issir aktar effettiva, u jemmen li din il-Proposta hija avvanz fuq is-sitwazzjoni legali attwali. Mill-banda l-oħra, f’din l-Opinjoni l-KESE jinnota għadd ta’ nuqqasijiet fil-Proposta u jippreżenta xi kummenti u proposti alternattivi li jistgħu jgħinu biex ’il quddiem is-sitwazzjoni titjieb.

1.3

Il-frodi tal-VAT tagħmel ħsara kbira immens għaliex minħabba fiha l-Istati Membri jitilfu ammonti sostanzjali mid-dħul tal-baġit, u b’hekk tmur kontra l-isforzi tagħhom biex jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi. Il-forom tal-frodi tal-VAT jevolvu b’mod relattivament rapidu; għalhekk il-leġislazzjoni li tgħin biex dawn l-attivitajiet jieqfu għalkollox għandha tiġi żviluppata b’mod kemm jista’ jkun effettiv.

1.4

Il-KESE huwa kuntent li l-Proposta għal Direttiva tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jirreaġixxu b’mod flessibbli għall-frodi f’settur partikolari u jintroduċu kważi mill-ewwel miżuri għall-prevenzjoni tat-telf potenzjali tad-dħul mit-taxxa. It-tnaqqis taż-żmien meħtieġ biex tingħata deroga mis-sistema komuni tal-VAT jgħin fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa.

1.5

Il-KESE huwa mħasseb dwar l-introduzzjoni ta’ deroga mill-proċedura ta’ eżami stabbilita fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, speċjalment għaliex il-proċedura proposta tagħmilha prattikament impossibbli li applikazzjoni ta’ Stat Membru għal deroga mis-sistema komuni tal-VAT tiġi diskussa mill-esperti f’laqgħa tal-kumitat.

1.6

Rigward il-bżonn ta’ ġlieda effettiva kontra l-frodi tal-VAT, li l-forom tagħha jevolvu b’mod relattivament rapidu, il-KESE jipproponi li meta jkunu qed jiġu mfassla u mfittxija miżuri effettivi oħra jiġi inkluż ukoll l-għarfien speċjalizzat tal-esperti, li ħafna minnhom jinsabu fis-soċjetà ċivili organizzata. Jinħtieġu laqgħat bejn gruppi ta’ esperti fejn din il-kwistjoni tkun tista’ tiġi diskussa bl-usa’ mod possibbli.

1.7

Peress li l-frodi tal-VAT hija attività kriminali internazzjonali sofistikata li tagħmel ħsara lill-finanzi pubbliċi, il-KESE jinnota li l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri għandhom jikkollaboraw b’mod effettiv sabiex jeliminaw din l-attività. Għaldaqstant, huwa jilqa’ bi pjaċir li kieku l-istituzzjonijiet Ewropej jagħmlu sforz akbar biex jorganizzaw attivitajiet li jikkontribwixxu b’mod pożittiv għal din il-kollaborazzjoni.

2.   Raġunament

2.1

Fiż-żmien diffiċli ta’ bħalissa, meta l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (UE) qed jagħmlu sforzi sostanzjali biex jikkonsolidaw b’mod effettiv il-finanzi pubbliċi, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ kull inizjattiva li tista’ tgħin f’dawn l-isforzi kemm min-naħa tad-dħul kif ukoll min-naħa tal-infiq tal-baġits pubbliċi. B’din il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kummissjoni Ewropea timmira li l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa ssir aktar effettiva, u b’hekk tgħin mil-lat tad-dħul tal-baġits.

2.2

L-ekonomija tal-Unjoni Ewropea għaddejja mill-aktar perjodu diffiċli minn meta nħolqot, u bħalissa t-tassazzjoni effettiva hija fattur partikolarment importanti fl-isforzi biex il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri jiġu kkonsolidati b’mod rapidu.

2.3

Skont l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2012, il-konsolidazzjoni fiskali b’determinazzjoni hija l-mod kif jinkisbu r-riżultati u hi ta’ importanza fundamentali għall-irkupru tal-istabbiltà makrofinanzjarja, li hi l-bażi biex jinħoloq it-tkabbir u biex jiġi assigurat il-futur tal-mudell soċjali Ewropew. Il-ġbir aktar effettiv tat-taxxi u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa ser jgħinu biex jiżdied id-dħul tal-baġits nazzjonali ta’ diversi Stati Membri. L-applikazzjoni aktar effettiva tar-regoli dwar kull tip ta’ taxxa tista’ tgħin ukoll f’dan ir-rigward.

2.4

Skont l-Anness IV tal-COM(2011) 815 final, il-koordinazzjoni tat-taxxa, li tikkonċerna l-aktar l-operazzjonijiet transkonfinali, tista’ tagħmel lis-suq uniku tal-UE aktar effiċjenti. Din l-istqarrija hija bbażata fuq l-ipotesi li l-parti l-kbira tal-ostakli li għad fadal għas-suq uniku ġejjin min-nuqqas ta’ koordinazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni. L-introduzzjoni ta’ Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida tista’ tneħħi wħud minn dawn id-differenzi, iżda l-KESE jinnota li l-applikazzjoni tal-MRR tista’ tagħmel ukoll ħsara konsiderevoli lid-dħul mit-taxxa ta’ xi Stati Membri.

2.5

Waħda mill-isfidi prinċipali relatati mat-taxxa li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri tal-UE hija l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. Il-miżuri effettivi għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa jistgħu jtejbu l-ġbir tat-taxxi u jaqdu rwol importanti biex iżidu d-dħul mit-taxxa, fejn il-ġbir aħjar tal-VAT hu waħda mill-miżuri possibbli għall-konsolidazzjoni fiskali.

2.6

Skont l-istimi tal-Europol, fl-2008 u fl-2009 l-evażjoni u l-frodi tal-VAT b’rabta mal-kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra kkawżaw telf ta’ madwar EUR 5 biljun fil-baġits ta’ diversi Stati Membri tal-UE. Rob Wainwright, Direttur tal-Europol, qal li: “il-frodi organizzata tal-VAT għadha attività kriminali sinifikanti fl-Ewropa. Hija tikkawża t-telf ta’ ħafna riżorsi mid-dħul tal-gvern ċentrali u tikkomprometti l-għan li l-Ewropa ssir ekonomija kompetittiva u aktar ekoloġika.”

2.7

Il-Green Paper dwar il-futur tal-VAT ikkonkludiet li fl-2006 l-ammont nieqes mit-total miġbur tal-VAT kien ta’ 12 % tad-dħul teoretiku mill-VAT, filwaqt li ġie stmat li t-telf f’ċerti Stati Membri kien ta’ aktar minn 20 %. Parti minn dan in-nuqqas ġejja mill-frodi li tirriżulta mid-dgħufijiet tas-sistema attwali, b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ xiri transkonfinali ta’ prodotti u servizzi mingħajr VAT. Mekkaniżmu effettiv li jelimina l-frodi tat-taxxa huwa mod kif tiġi miġġielda l-ħsara ekonomika enormi li ssir minn attivitajiet bħal dawn, u jgħin fil-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi.

2.8

Il-miżuri speċjali adottati fl-Artikolu 395a ser jagħmlu l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT aktar operattiva u effettiva, peress li ser jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet tal-amministrazzjoni u s-sistema tal-VAT tal-pajjiż applikant. Il-miżuri ta’ dan it-tip ser jgħinu biex tinħoloq sistema effettiva li tfittex u tiskopri forom ġodda ta’ frodi u evażjoni tat-taxxa. Madankollu, hemm tħassib dwar il-possibbiltà li l-Istati Membri jitilfu setgħat sinifikanti fil-qasam tat-tassazzjoni.

2.9

Abbażi tal-informazzjoni miġbura matul il-proċess tal-għoti tad-derogi mid-Direttiva dwar is-sistema komuni tal-VAT (id-Direttiva), il-Kummissjoni ser tikseb ideat u informazzjoni prattika importanti “minn isfel” li bihom tkun tista’ tkompli ttejjeb id-Direttiva. Din l-informazzjoni ser tintuża biex jiġu eliminati d-dgħufijiet u d-dispożizzjonijiet antiki, u biex jiġu aġġornati l-partijiet skaduti tad-Direttiva.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud iżżid is-setgħat tal-Kummissjoni rigward l-għoti ta’ derogi għall-prevenzjoni tal-frodi tal-VAT. Din ix-xorta ta’ frodi tikkawża telf baġitarju kbir u ttellef il-kompetizzjoni u l-operat tas-suq uniku. Il-KESE jilqa’ kull tentattiv biex is-suq uniku jaħdem aħjar u biex il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT issir aktar effettiva.

3.2

Il-KESE jinnota li skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-miżuri maħsuba biex jissemplifikaw il-proċedura tal-ġbir tal-VAT m’għandhomx jaffettwaw, sakemm mhux b’mod insinifikanti, l-ammont globali tad-dħul tal-Istat Membru mit-taxxa li tinġabar fl-istadju tal-konsum finali. Fil-kuntest tal-Proposta, il-KESE huwa mħasseb li l-impatt tal-applikazzjonijiet fuq l-ammont globali ta’ taxxa miġbura mill-Istati Membri mhux ser jiġi eżaminat b’mod adegwat.

3.3

Il-KESE jilqa’ l-effett li l-Proposta ser ikollha fuq it-tul ta’ żmien li jieħu l-proċess ta’ approvazzjoni ta’ miżuri speċjali applikati minn Stat Membru biex jiġġieled il-frodi u l-evażjoni tat-taxxa; dan ser iżid il-probabbiltà li dawn l-attivitajiet jiġu indirizzati b’mod effettiv.

3.4

Billi l-frodi tal-VAT issir l-aktar b’rabta mal-kummerċ transkonfinali (l-hekk imsejħa frodi tat-tip karużell u l-frodi tal-“kummerċjant nieqes”), il-possibbiltà li tittieħed azzjoni effettiva billi jiġu applikati d-derogi fi Stat Membru wieħed ser tkun limitata ħafna, u ser ikun hemm bżonn li jiġu kkoordinati aktar il-proċeduri tal-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri.

3.5

Il-KESE jinnota wkoll li s-setgħat li ser tikseb il-Kummissjoni b’din il-Proposta huma kumplessi u speċjalizzati ħafna. Jinnota li l-esperti, b’mod partikolari dawk b’għarfien prattiku, għandhom ikunu fil-qalba tal-grupp involut fil-proposti futuri għal miżuri li jridu jsegwu l-proċedura stabbilita fl-artikoli l-ġodda proposti tad-Direttiva. Is-soċjetà ċivili organizzata toffri sors tajjeb għal dan l-għarfien espert prattiku.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Fil-forma attwali tagħha, il-Proposta tippermetti l-approvazzjoni rapida (fi żmien xahar) tal-miżuri speċjali b’deroga mid-Direttiva 2006/112/KE biss f’każijiet meta l-Istat Membru jitlob deroga fir-rigward tan-nomina tar-riċevitur bħala persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT fuq fornituri speċifiċi ta’ prodotti u servizzi b’deroga mill-Artikolu 193 (li bħalissa jidher li hu strument effettiv għall-ġlieda kontra l-frodi), filwaqt li fil-każijiet l-oħra jinħtieġ qbil unanimu fil-Kunsill, u dan jista’ jdgħajjef b’mod konsiderevoli l-isforz biex il-frodi tal-VAT tiġi miġġielda b’mod effettiv. Il-KESE josserva wkoll li dawk li jwettqu l-frodi issa qed jaħdmu flimkien b’mod effettiv, u għalhekk ikun jaqbel li l-awtoritajiet fiskali u tal-pulizija ta’ għadd ta’ pajjiżi jiġu infurmati u involuti fl-għoti tad-derogi b’konformità mal-artikoli l-ġodda proposti tad-Direttiva. Dan japplika b’mod partikolari għall-pajjiżi li l-attivitajiet illegali jistgħu jiġu ttrasferiti fihom wara li tingħata deroga.

4.2

Il-KESE jipproponi wkoll li l-proċess ta’ approvazzjoni fil-kumitat previst fl-Artikolu 395b(2) u (3) m’għandux jeskludi l-possibbiltà li membru tal-kumitat jitlob li l-proċedura bil-miktub tintemm mingħajr riżultat, l-aktar biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-interessi leġittimi tal-membru kkonċernat, li tista’ ssirlu l-ħsara minħabba t-talba ta’ Stat Membru ieħor għall-awtorizzazzjoni ta’ miżuri speċjali. Mod ieħor kif jiġi indirizzat dan in-nuqqas hu li jiddaħħal mekkaniżmu għall-konferma ulterjuri tal-miżura speċjali mill-Kunsill tal-Ministri, fejn il-miżura tieqaf tapplika jekk ma tiġix approvata.

4.3

Bl-introduzzjoni tal-MRR, il-Proposta għal Direttiva ser tqassar b’mod sinifikanti iż-żmien meħtieġ għall-approvazzjoni ta’ miżuri speċjali biex jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa: mit-tmien xhur li setgħu jinħtieġu qabel għal proposta pożittiva mill-Kummissjoni wara l-approvazzjoni unanima fil-Kunsill, dan iż-żmien ser jonqos għal xahar billi s-setgħa tal-approvazzjoni tiġi ttrasferita lill-Kummissjoni. Il-KESE jappoġġja din l-aċċellerazzjoni bħala mod kif tittejjeb il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa. Madankollu, l-Istati Membri jrid ikollhom l-opportunità, jekk ikun hemm bżonn, li l-abbozz ta’ applikazzjoni għal deroga jiġi diskuss minn qabel fil-kumitat konsultattiv u b’hekk jiġu evitati l-proċedimenti eventwali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.4

Il-KESE jemmen li l-“miżuri xierqa ta’ kontroll mill-Istati Membri” mhumiex definiti b’mod ċar biżżejjed fl-Artikolu 395a(1) tal-Proposta. Għalhekk jipproponi li l-Kunsill ineħħi din id-diskrepanza u jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom biex ikopru l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 395a(1)(b) tal-Proposta.

4.5

Meta deroga mogħtija abbażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 395 turi, matul il-perjodu tal-validità tagħha, li tkun effettiva fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, il-KESE jipproponi li jiġi introdott mekkaniżmu li japplika din il-miżura – bħala mod kif jinxterdu l-prattiki tajba – fi Stati Membri oħra permezz ta’ proċedura semplifikata li tixbah lil dik tal-Proposta diskussa f’din l-Opinjoni.

Brussell, 15 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), fir-rigward tal-interazzjoni tiegħu mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru …/… li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu”

COM(2012) 512 final — 2012/0244 (COD)

u l-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Pjan Direzzjonali lejn Unjoni Bankarja”

COM(2012) 510 final

2013/C 11/08

Relatur ġenerali: Carlos Trias PINTÓ

Nhar it-12 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Pjan Direzzjonali lejn Unjoni Bankarja

COM(2012) 510 final.

Nhar is-27 ta’ Settembru 2012 u nhar it-22 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill u l-Parlament rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), fir-rigward tal-interazzjoni tiegħu mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru …/… li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu

COM(2012) 512 final – 2012/0244 (COD).

Nhar is-17 ta’ Settembru 2012, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-15 ta’ Novembru) li jaħtar lis-Sur TRIAS PINTÓ bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'194 vot favur, 15-il vot kontra u 22 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li, għalkemm mhux biżżejjed, il-programm regolatorju estensiv ta’ riformi finanzjarji li ntuża sal-“Pakkett ta’ Unjoni Bankarja” attwali huwa essenzjali, sabiex jirrispondi għall-kriżi u jistabbilizza lill-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) (1), sabiex tiġi rrestawrata l-fiduċja fl-euro u fil-futur tal-UE, kif ukoll sabiex tittejjeb il-governanza u tingħeleb il-frammentazzjoni dejjem tikber tas-swieq bankarji tal-Unjoni. Għalhekk, il-KESE jqis bħala adegwat il-pakkett tal-miżuri spjegat fil-qosor fil-Pjan Direzzjonali tiegħu COM(2012) 510 u fiż-żewġ atti leġislattivi COM(2012) 511 u COM(2012) 512, it-tieni wieħed huwa wkoll is-suġġett ta’ din l-opinjoni.

1.2

Filwaqt li l-KESE jilqa' l-ħidma eżawrjenti li saret mill-Kummissjoni, huwa jilqa' l-appelli tagħha sabiex il-miżuri jiġu adottati qabel l-aħħar tal-2012 u jitħejjew bir-reqqa u b'kunsiderazzjoni għall-effetti fuq il-banek u l-ekonomiji nazzjonali. Huwa essenzjali li l-gvernijiet tagħna jkollhom viżjoni b'saħħitha sabiex jibnu Ewropa akbar u aħjar, billi jassenjaw kompetenzi u jappoġġjaw l-applikabbiltà tagħhom f'superviżjoni ta’ kwalità għolja u integrazzjoni akbar, fl-insegwiment ta’ governanza Ewropea ġenwina, soċjalment utli u ekonomikament effiċjenti.

1.3

L-urġenza u l-insuffiċjenza ta’ tali miżuri huma derivati mill-fatt li l-ispejjeż huma ferm akbar minn EUR 4.5 biljun ta’ flus tal-kontribwenti impenjati s'issa biex jiġu salvati l-banek fl-UE. Il-kriżi finanzjarja kkawżat l-agħar riċessjoni dinjija mid-Depressjoni l-Kbira 'l hawn, speċjalment fiż-żona tal-euro, fejn ir-restawr tal-fiduċja fl-euro u l-governanza tal-istituzzjonijiet tagħha għalhekk jirriżulta bħala aktar imperattiv u urġenti. Standards ġodda aktar stretti jagħtu sigurtà liċ-ċittadini u lis-swieq, għalkemm l-ikkontestar ta’ dawk eżistenti, in-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ dawk ġodda u d-dewmien fl-implimentazzjoni tagħhom jistgħu jkunu s-sors ta’ inċertezza kbira. Għalhekk, il-perjodi ta’ żmien tal-adattament fl-istituzzjonijiet li jappoġġjaw l-euro għandhom ikunu wkoll iqsar u aktar preċiżi.

1.4

Il-KESE jħeġġeġ b'mod speċjali li jsir ftehim malajr għad-dħul fis-seħħ tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU). Dan ifisser li tibda l-unifikazzjoni mill-2013 stess mingħajr ma jiġu stabbiliti għanijiet inċerti, peress li l-għan bażiku inizjali tiegħu huwa li jsalva l-euro, b'tali mod li l-ispejjeż jiġu minimizzati għall-kontribwenti qabel kwalunkwe ristrutturar jew għeluq, permezz tal-finanzjament suffiċjenti ex ante u l-ħlas tal-ispejjeż ta’ riżoluzzjoni mill-azzjonisti u l-kredituri.

1.5

Il-KESE jilqa' b'mod favorevoli li, għal dan il-għan, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) mill-bidu għandu bord superviżorju li jevita kunflitti ta’ interess potenzjali mal-attivitajiet monetarji tiegħu.

1.6

Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-BĊE jaċċetta r-responsabbiltà li jissorvelja l-banek tal-Unjoni kollha minkejja li jkunu żgħar, b'mod partikolari il-karti tal-bilanċ konsolidati tal-attivitajiet transkonfinali, u li japplika l-ġabra unika ta’ regoli fis-seħħ għalihom. Barra minn hekk, dawn jiġu assenjati wkoll funzjonijiet, setgħat u riżorsi essenzjali sabiex jiġi żgurat is-sejbien ta’ riskji li jheddu l-vijabilità tagħhom, kif ukoll sabiex jesiġu miżuri korrettivi xierqa, bl-involviment attiv tas-superviżuri nazzjonali fil-MSU. Bl-istess mod, huwa żgurat li dawn jibqgħu jkunu responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumaturi, għalkemm il-proposta tal-Kummissjoni ma tinkludix kif għandhom jiġu indirizzati l-kunflitti ta’ interess potenzjali bejn il-livell Ewropew ta’ superviżjoni prudenzjali u l-kompetenzi mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali.

1.7

Fir-rigward tal-politiki makroprudenzjali, il-KESE jappoġġja l-fatt ta’ rwol aktar importanti tal-Bord Ewropew tar-Riskju Sistemiku (BERS) u tal-BĊE fil-qafas ta’ sistema finanzjarja aktar integrata u jitlob lill-Kummissjoni tagħti aktar dettalji dwar l-interazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-BĊE.

1.8

Il-KESE jilqa' l-intenzjoni tal-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro sabiex jeżerċitaw il-klawżola opt-in, bi drittijiet ekwivalenti għal dawk taż-żona tal-euro permezz ta’ proċessi ta’ parteċipazzjoni aktar faċli u attraenti, mingħajr ma jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tat-TFUE.

1.9

Il-KESE jikkunsidra li huwa essenzjali li tintlaħaq konnettività tajba bejn l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) u l-BĊE, filwaqt li għandu għarfien sħiħ li fl-ewwel fażi jkun hemm xi trikkib tal-funzjonijiet. Fir-rigward tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, ir-reviżjoni tal-modalitajiet tal-votazzjoni permezz tat-tibdil fir-regolament tal-ABE u ż-żieda tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-panel indipendenti teħtieġ aktar analiżi u konsiderazzjoni, sabiex jiġu bbilanċjati l-interessi bankarji tas-suq intern tal-Istati Membri li ma jipparteċipawx fil-MSU (b'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar it-tlestija tal-Unjoni Monetarja Ewropea, adottati fit-18 ta’ Ottubru 2012), filwaqt li jiġi evitat ir-riskju li l-integrazzjoni taż-żona tal-euro tiġi pparalizzata permezz ta’ voti ta’ minoranza li timblokka. Huwa importanti li jiġi evitat suq b'żewġ livelli fis-servizzi finanzjarji, u hija din ir-raġuni li l-KESE qajjem il-kwistjoni.

1.10

Barra minn hekk, il-BĊE, il-BERS u l-awtoritajiet Ewropej ġodda ta’ superviżjoni finanzjarja, inkluż il-panel indipendenti tagħhom, għandhom jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ħidma tagħhom, b'mod partikolari lill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u lit-trejdjunjins (2), filwaqt li jżommu l-indipendenza, it-trasparenza u r-reżistenza għolja tagħhom għall-pressjonijiet politiċi.

1.11

Ir-rata ta’ trasferiment tas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u t-tibdiliet rilevanti introdotti fl-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), li r-rwol tagħha għandu jkun li tiżgura l-konsistenza u l-armonizzazzjoni tal-istandards regolatorji u tekniċi sabiex testendihom għall-UE kollha, huma elementi essenzjali daqs ir-rekwiżiti prudenzjali l-aktar stretti għall-banek (3), il-miżuri għat-tisħiħ u t-titjib tas-sistema komuni ta’ protezzjoni tad-depożiti (4), u l-ġestjoni integrata tal-kriżijiet bi strumenti ta’ rkupru u riżoluzzjoni tal-banek (5) sabiex is-settur Ewropew jissaħħaħ u jiġu evitati effetti kontaġjużi futuri, speċjalment dawk li ġejjin mill-ogħla riskju meħud mill-klijenti tal-banek ta’ investiment. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi objettivi konkreti temporanji u funzjonali għal din il-ġabra unika ta’ regoli.

1.12

Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi skeda u dettalji għall-MUR (6), kif ukoll għal tragwardi rilevanti oħrajn li għandhom jiġu speċifikati, bħalma hija l-ġestjoni ta’ kwalunkwe sitwazzjonijiet ta’ kriżi fl-azzjonijiet kondiviżi ta’ superviżjoni. Għalhekk, l-Unjoni Bankarja tikseb kredibilità u ssir bażi komuni għas-suq uniku kollu. Jiġi evitat li fallimenti relattivament żgħar jikkawżaw ħsarat sistemiċi transkonfinali jew nuqqasijiet ta’ fiduċja li jwasslu għall-irtirar ta’ finanzi f'pajjiż ieħor u jdgħajfu kwalunkwe sistema bankarja nazzjonali. Inħeġġu sabiex sussegwentement l-MUR ikun jista' jwettaq kompiti addizzjonali ta’ koordinazzjoni fil-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Iżda s-superviżjoni u r-riżoluzzjoni għandhom jimxu id f'id, sabiex jiġi evitat li kwalunkwe deċiżjonijiet sabiex bank jiġi llikwidat fuq livell Ewropew u l-ispiża għall-ħlas tad-depożiti jaqgħu fuq l-Istat Membru.

1.13

Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex jissodisfaw il-prinċipji bażiċi li għandhom jispiraw il-leġislazzjoni sekondarja u acquis ieħor, abbażi tal-forza tal-liġi u mhux tal-poter. Ir-restawr tat-twettiq tagħhom isir aktar urġenti fiż-żona tal-euro, sabiex tingħata għajnuna lill-Unjoni Bankarja mill-unjoni fiskali, permezz ta’ mekkaniżmu komuni ta’ ħruġ ta’ dejn u ieħor ta’ trasferimenti fiskali kontra ċ-ċikli li jiġġeneraw ħasdiet asimmetriċi bħal dawk imġarrba u aktar diffiċli mill-pajjiżi taż-żona tal-euro fis-snin riċenti. Il-MSU jista' jiġi ffinanzjat mill-kwoti ta’ superviżjoni imposti fuq l-entitajiet, li għandhom jikkunsidraw il-profil tar-riskju tal-entitajiet li għandhom jiġu ssorveljati. Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tniedi Green Paper jew White Paper dwar kif għandha tiġi ffinanzjata l-Unjoni Bankarja b'mod armonizzat ukoll, sabiex tkun tista' tittieħed deċiżjoni dwar it-taxxi u l-miżati fuq l-attività finanzjarja u bankarja, li huma neċessarji imma li attwalment huma sors ta’ frammentazzjoni.

1.14

L-Unjoni Bankarja għandha tkun l-ewwel pass għaż-żona tal-euro u l-UE kollha tidħol f'ċirku virtuż li jegħleb id-difetti tad-disinn tagħhom u jippermetti lis-suq unitarju jerġa' jmur lura fit-triq tal-kompetittività sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020. B'dan il-mod tista' tiġi evitata l-mewġa ta’ innovazzjoni finanzjarja marbuta mas-sistema bankarja “parallela” skont Basel III, kif indikat mir-rapporti riċenti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tistabbilixxi aktar malajr il-mudelli l-ġodda tal-bank ta’ investiment u kummerċjali, peress li s-sistema bankarja “parallela” għandha tendenza, f'ħafna pajjiżi, li tkun aktar importanti minn dik tradizzjonali u rregolata.

1.15

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-koleġislaturi Ewropej sabiex jibdlu dan il-proġett fi strument għall-inklużjoni finanzjarja u diġitali. L-eżekuttivi tal-MSU għandhom jaġixxu b'mod responsabbli u jiġu kkontrollati b'mod demokratiku, jikkomunikaw mal-Parlament Ewropew b'mod regolari jew kull meta jintalbu li jagħtu rendikont għall-ġestjoni tagħhom. Dan għandu jżid il-viżibilità politika ta’ dawn il-kwistjonijiet u jgħin biex jiżdied l-appoġġ taċ-ċittadini lill-istituzzjonijiet Ewropej.

1.16

Fl-aħħar nett, l-Unjoni Bankarja m'għandhiex tiffoka biss fuq iż-żona tal-euro u l-Unjoni kollha, iżda għandha wkoll tipproġetta l-objettivi tagħha ta’ kooperazzjoni u kompetittività speċjalment fl-oqsma tal-influwenza barranija tal-euro u fil-bqija tad-dinja.

2.   Sfond u introduzzjoni

2.1

Fl-1 ta’ Jannar 2011 daħlet fis-seħħ l-awtorità bankarja, maħluqa skont ir-Regolament (UE) 1093/2010 mir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport de Larosière, sabiex tiġi rriformata l-istruttura tas-superviżuri u tinħoloq sistema Ewropea li tinkludi tliet awtoritajiet (għal servizzi bankarji, is-swieq tal-ekwità, l-assigurazzjonijiet u l-fondi tal-pensjonijiet), kif ukoll Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS).

2.2

B'mod parallel, minn Lulju 2010 ġiet imsaħħa l-protezzjoni tal-konsumatur u l-fiduċja fis-servizzi finanzjarji permezz ta’ skemi ta’ garanzija tad-depożiti għall-banek (MEMO/10/318), istituzzjonijiet ta’ investiment (MEMO/10/319) jew kumpaniji ta’ assigurazzjoni (MEMO/10/320), u madankollu fis-6 ta’ Ġunju 2012 il-Kummissjoni ħabbret miżuri ġodda ta’ ġestjoni tal-kriżijiet sabiex jiġu evitati operazzjonijiet futuri ta’ rkupru bankarju. Il-Kummissjoni pproponiet dan il-qafas superviżorju fil-Komunikazzjoni tagħha Nixprunaw l-Irkupru Ewropew tal-4 ta’ Marzu 2009, u mbagħad spjegat id-dettalji tal-arkitettura l-ġdida fil-Komunikazzjoni tagħha Superviżjoni Finanzjarja Ewropea, tas-27 ta’ Mejju 2009. It-tnejn li huma ġew ikkonfermati mill-Kunsill Ewropew fid-19 ta’ Ġunju 2009, li skonthom is-sistema għandu jkollha l-għan li ttejjeb il-kwalità u l-konsistenza tas-superviżjoni nazzjonali, issaħħaħ is-superviżjoni tal-gruppi transkonfinali, u tistabbilixxi ġabra unika ta’ regoli applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha fis-suq intern. Hija enfasizzat ukoll li l-awtoritajiet superviżorji Ewropej il-ġodda għandu jkollhom setgħat fuq l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni (għal dan il-għan, ir-Regolament (KE) 1060/2009 ġie emendat bir-Regolament (UE) 513/2011).

2.3

Sabiex jintemm dan il-proċess regolatorju diffiċli, fil-Komunikazzjoni tagħha “Pjan Direzzjonali lejn Unjoni Bankarja”, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu stabbiliti l-pilastri għal livell għoli komuni ta’ regolamentazzjoni prudenzjali għall-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji l-oħrajn kollha fl-UE kollha, billi jiġu unifikati l-mekkaniżmi ta’ superviżjoni, riżoluzzjoni u assigurazzjoni tad-depożiti, fi ħdan il-qafas ta’ ġabra komuni ta’ regoli.

2.4

Għalhekk, titlob sabiex qabel ma tispiċċa s-sena 2012 isir qbil dwar ħames azzjonijiet ewlenin. Tlieta minnhom huma abbozzi ta’ atti leġislattivi diġà vverifikati mill-KESE jew jinsabu fil-proċess ta’ analiżi: il-garanzija tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti dwar il-kapital tal-banek (“CRD IV”) (7), id-Direttiva dwar l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti u d-Direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni bankarji. Tnejn oħra jikkonċernaw, flimkien ma’ dan il-Pjan Direzzjonali, l-opinjoni li ġejja: Regolament ġdid li jattribwixxi lill-BĊE funzjonijiet ta’ superviżjoni prudenzjali bankarja, u l-emenda tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) , meħtieġa għal koordinazzjoni aħjar bejn l-Awtorità u s-superviżur uniku futur, kif ukoll sabiex jiġi bbilanċjat it-teħid ta’ deċiżjonijiet bejn pajjiżi li jiffurmaw parti u li ma jiffurmawx parti mill-MSU, sabiex tinżamm l-integrità tas-suq uniku. Fost dawn il-ħames azzjonijiet, il-Kummissjoni tħabbar mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni uniku (MUR) u l-koordinazzjoni tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni.

2.5

Dan il-Pjan Direzzjonali wasal meta l-mudell ta’ integrazzjoni finanzjarja bbażat fuq l-euro ġie eżawrit qabel il-kriżi li bdiet fl-2007. Il-progress fl-integrazzjoni rapida Ewropea tas-swieq ta’ ishma u bonds kien inqas veloċi fl-oqsma bankarji, u aktar fi swieq bl-ingrossa (interbankarji, kwalifiki, eċċ.) milli fil-bejgħ bl-imnut ta’ self u depożiti bankarji. Iżda, minħabba l-kriżi, il-bejjiegħa bl-imnut ġew affettwati mit-tendenzi riċenti lejn frammentazzjoni u n-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid konsegwenti tal-bejjiegħa bl-ingrossa, alimentati min-natura nazzjonali tas-superviżuri, l-oqfsa ta’ riżoluzzjoni u l-garanziji ta’ depożitu (8).. In-nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid tas-swieq tad-dejn qiegħda tkun partikolarment veloċi.

2.6

Fiż-żona tal-euro l-aġġustamenti u l-pjanijiet ta’ awsterità li kkawżaw il-kriżi, bit-tnaqqis fil-PDG u l-impjieg, kienu bil-wisq akbar. Għalhekk, fit-23 ta’ Ottubru 2011, il-president tal-Kummissjoni ddikjara lill-mexxejja Ewropej li l-UE kienet tilfet EUR 2 biljuni fi tkabbir ekonomiku bejn l-2007 u l-2010 minħabba l-kriżi (9).

2.7

Fl-aħħar tal-2010, fl-Istati Uniti u seba' pajjiżi Ewropej ġie rkuprat kważi terz mill-ispiża pubblika tas-salvataġġi tal-banek minn meta bdiet il-kriżi (1,8 minn 5,2 biljun dollari), skont il-FMI. Il-bqija jistgħu jiġu rkuprati fis-snin li ġejjin kważi totalment minn taxxi jew inizjattivi oħra, sakemm l-effett ta’ riċessjoni oħra kkaġunata minn kriżi bankarja ġdida relatata mad-djun ma timpedixxix dan.

2.8

Il-Pjan Direzzjonali jistabbilixxi dati speċifiċi għad-dħul fis-seħħ tas-superviżjoni fiż-żona tal-euro (10), mhux kompletament għall-MSU u l-MUR, għalkemm il-Kummissjoni tqis li dak tal-ewwel huwa speċjalment importanti sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni u l-kundizzjoni għall-kapitalizzazzjoni diretta tal-banek mill-MES.

2.9

Fl-aħħar nett, sabiex jitlesta l-proċess tal-unjoni bankarja huwa essenzjali li jitħaffu u jissaħħu l-inizjattivi li l-Kummissjoni għandha f'idejha: ir-regolamentazzjoni tas-sistema bankarja “parallela” (IP/12/253); it-tisħiħ tal-kredibilità tal-klassifikazzjonijiet ta’ krediti (IP/11/1355); it-tisħiħ tal-istandards dwar il-fondi ta’ investiment liberu (IP/09/669), il-bejgħ bin-nieqes (IP/10/1126), u d-derivattivi (IP/10/1125); it-trażżin tal-prattiki irresponsabbli ta’ remunerazzjonijiet bankarji (IP/09/1120); kif ukoll ir-riforma tas-setturi tal-awditjar (IP/11/1480) u ta’ kontabilità (IP/11/1238). Huwa wkoll essenzjali li jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE għall-qerda tar-rifuġji fiskali (11).

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1

L-ogħla spejjeż tal-kriżi fl-UE (12) aggravaw l-iżbilanċi u l-asimmetriji bejniethom, bit-telf tal-effikaċja ta’ politiki importanti – u appoġġjati fit-trattati tagħhom – bħalma hi dik monetarja, kummerċjali, ta’ koeżjoni u sostenibbiltà, kif ukoll il-frammentazzjoni sussegwenti tas-swieq finanzjarji u bankarji u d-distanza tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-aħjar governanza ekonomika (13). Filwaqt li xi ftit minnhom naqqsu l-piż tal-interessi tagħhom, il-pajjiżi bl-akbar kriżi finanzjarja u ta’ dejn raw żieda fl-ammonti għoljin ħafna tal-infiq pubbliku tagħhom fl-interessi u kellhom inaqqsu l-pagi pubbliċi, il-pensjonijiet, l-infiq tal-edukazzjoni u tas-saħħa u l-investimenti fl-infrastruttura teknika u soċjali (14).

3.2

It-titjib neċessarju tal-proċeduri demokratiċi għandu jkun konsistenti mal-objettiv tal-Unjoni Bankarja li tiffaċilita l-intermedjazzjoni bejn it-tfaddil u l-investiment, il-funzjoni ewlenija bankarja li ġġorr magħha l-kontroll tal-effiċjenza teknika u allokattiva tar-riżorsi, li permezz tagħhom tikkontribwixxi għall-prinċipji tal-liġi tal-UE u taffettwa l-libertajiet u l-interessi taċ-ċittadini kollha.

3.3

Għalkemm sa mill-bidu tal-kriżi ġew adottati diversi miżuri sabiex jiġi evitat li n-nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet finanzjarji jikkontamina d-dejn pubbliku tal-pajjiżi fiż-żona tal-euro, dan iċ-ċiklu vizzjuż għadu ma ġiex magħluq. Għalhekk, sabiex l-istituzzjonijiet finanzjarji jkomplu jwettqu r-rwol tagħhom ta’ intermedjazzjoni bejn it-tfaddil u l-investiment, it-teorija ekonomika tagħti parir li jirrikorru għall-politiki ridistributtivi ta’ karattru pożittiv u mhux negattiv, bħal mekkaniżmi komuni ta’ ħruġ tad-dejn u ta’ trasferimenti fiskali kontra ċ-ċikli li jiġġeneraw ħasdiet asimmetriċi (15).

3.4

Il-kompiti tal-promozzjoni tat-trasparenza u t-tnaqqis tar-riskji li jaffettwaw lis-sistema finanzjarja globali, skont ir-rakkomandazzjonijiet fl-aħħar rapporti tal-FMI u tal-Bank Dinji, huma ferm kompatibbli mal-linja ta’ inklużjoni finanzjarja u diġitali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur imwettqa mill-UE u msaħħa fl-Istrateġija 2020 tagħha.

3.5

Fil-qosor, it-tisħiħ tal-kontroll demokratiku għandu jgħin biex jippromovi mhux biss il-konformità mat-trattati u l-prinċipji, iżda wkoll jallinja l-Unjoni Bankarja mal-istrateġija Ewropa 2020, li huwa vitali għall-futur tal-proġett politiku tagħna.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

4.1

Il-KESE jqis li l-Pjan Direzzjonali propost mill-Kummissjoni huwa kontribuzzjoni adegwata għall-governanza Ewropea u jappoġġja l-ħtieġa u l-urġenza taż-żewġ atti leġislattivi ġodda, kif ukoll l-azzjonijiet imħabbra li ġejjin, kollha essenzjali sabiex jingħeleb in-nuqqas ta’ fiduċja fl-euro u fil-futur tal-UE.

4.2

L-għan ewlieni tal-MSU għandu jkun li tinkiseb superviżjoni ċentralizzata tal-istituzzjonijiet bankarji, aktar effiċjenti minn dik imwettqa min-netwerk attwali tal-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll li jikkonforma l-prestazzjoni tagħhom mal-MUR, filwaqt li jiġu evitati l-komponenti politiċi relatati mad-deċiżjoni li bank jingħalaq.

4.3

Fost il-ħafna raġunijiet għalfejn il-BĊE huwa l-aktar adattat għaċ-ċentralizzazzjoni tas-superviżjoni huma enfasizzati n-netwerk tiegħu, l-indipendenza tiegħu u l-fatt li huwa kopert fit-TFUE, u għalhekk riforma tiegħu ma tkunx meħtieġa biex tinkiseb superviżjoni ta’ kwalità.

4.4

Il-KESE jappoġġja li jinżammu f'idejn is-superviżuri nazzjonali l-kompetenzi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu, skont id-Direttiva 2005/60/KE (16), kif ukoll is-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu minn pajjiżi terzi. Madankollu l-Kumitat jitlob sabiex il-pajjiżi li għal diversi raġuni jonqsu milli jimplimentaw bi sħiħ din id-Direttiva jiġu esklużi mill-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni uniku. Bl-istess mod, sabiex tiġi ffaċilitata l-funzjoni ta’ superviżjoni ċentralizzata, għandu jitħeġġeġ l-adattament tal-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali affettwati sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni tgħaddi mingħajr interferenzi.

4.5

Fir-rigward tal-korpi ġodda, iridu jiġu adottati arranġamenti tal-votazzjoni sabiex jeskludu membri li jistgħu jkunu soġġetti għal kunflitt ta’ interess. L-indipendenza u r-responsabbiltà ta’ nies f'pożizzjonijiet għoljin trid tkun appoġġata minn sanzjonijeit għal dawk li jonqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom, minħabba l-ħsara li n-nuqqasijiet tagħhom jikkaġunaw lill-banek u lill-funzjonament tajjeb tas-sistema finanzjarja, kif ukoll lill-ekonomija, lill-intrapriżi u lill-individwi.

4.6

L-industrija finanzjarja qiegħda tagħmel reazzjoni għall-qafas regolatorju ġdid permezz tal-konfigurazzjoni ta’ prodotti innovattivi li jevitaw ir-regolamenti l-ġodda. Il-FMI, fl-aħħar rapporti tiegħu, iwissi rigward mewġa ġdida ta’ innovazzjoni finanzjarja, f'xi każijiet simili għal dik li kkawżat il-kriżi attwali, li minħabba fiha l-ispejjeż tas-superviżjoni ċentralizzata għandhom iqisu l-profil tar-riskju tal-operaturi differenti, sabiex ma jitqiegħedx piż fuq l-istituzzjonijiet li jżommu 'l bogħod minn dawn il-prattiċi.

4.7

Għalhekk, il-KESE jwissi kontra r-riskju ċert ta’ espansjoni tas-sistema bankarja “parallela” fl-UE, li għal darb'oħra jmur kemm kontra l-funzjonijiet finanzjarji kif ukoll il-prinċipji, il-valuri u d-drittijiet taċ-ċittadinanza Ewropea.

4.8

Sabiex jittieħed vantaġġ aħjar mill-opportunitajiet tagħha, l-Unjoni Bankarja Ewropea l-ġdida għandha tikkoopera ħafna aktar mill-qrib ma’ għaqdiet oħrajn diġà eżistenti sabiex tieħu vantaġġ akbar mill-opportunitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha, fuq kollox dawk l-aktar globalizzati u b'mod speċjali mal-aktar żoni qrib u li diġà huma konnessi jew dipendenti fuq l-euro (direttament jew indirettament, l-euro diġà huwa l-munita f'aktar minn 50 pajjiż).

Brussell, 15 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Tmien standards diġà approvati mill-UE, erbatax fil-proċess ta’ kodeċiżjoni u proposta oħra qabel il-pakkett attwali għall-unjoni bankarja: http://ec.europa.eu/internal_market/finances/policy/map_reform_en.htm.

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Kif ninvolvu lis-soċjetà ċivili fir-regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji” – ĠU C 143 tat-22.05.2012, p. 3.

(3)  http://ec.europa.eu/internal_market/bank/regcapital/new_proposals_en.htm.

(4)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2009:068:0003:0007:MT:PDF.

(5)  http://ec.europa.eu/internal_market/bank/crisis_management/index_en.htm.

(6)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/es/ec/131290.pdf.

(7)  http://ec.europa.eu/internal_market/bank/regcapital/new_proposals_en.htm.

(8)  Ara l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), Integrazzjoni Finanzjarja fl-Ewropahttp://www.ecb.int/pub/pdf/other/financialintegrationineurope201204en.pdf, April 2012, u l-Kummissjoni Ewropea (KE), Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja u l-Integrazzjoni Ewropej 2011, April 2012, kif ukoll EFSIR 2010, Mejju 2011.

(9)  http://ec.europa.eu/europe2020/pdf/barroso_european_council_23_october_2011_mt.pdf.

(10)  Fl-1 ta’ Lulju 2013 għall-banek Ewropej ta’ importanza sistemika Ewropea iktar sinifikattivi, u l-1 ta’ Jannar 2014 għall-kumplament kollha, billi fl-1 ta’ Jannar 2014 il-banek kollha taż-żona tal-euro għandhom ikunu suġġetti għal superviżjoni ċentralizzata.

(11)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rifuġji fiskali u finanzjarji: theddida għas-suq intern tal-UE”ĠU C 229, 31.07.2012, p. 7.

(12)  Douglas Elliott, Suzanne Salloy, André Oliveira Santos, Assessing the Cost of Financial Regulation, IMF.

(13)  http://ec.europa.eu/europe2020/index_en.htm.

(14)  FMI, Safer http://www.imf.org/external/pubs/ft/survey/so/2012/res092512a.htm Global http://www.imf.org/external/pubs/ft/survey/so/2012/res092512a.htm Financial http://www.imf.org/external/pubs/ft/survey/so/2012/res092512a.htm System http://www.imf.org/external/pubs/ft/survey/so/2012/res092512a.htm Still http://www.imf.org/external/pubs/ft/survey/so/2012/res092512a.htm Under http://www.imf.org/external/pubs/ft/survey/so/2012/res092512a.htm Construction, Global http://www.imf.org/external/pubs/ft/GFSR/index.htm Financial http://www.imf.org/external/pubs/ft/GFSR/index.htm Stability http://www.imf.org/external/pubs/ft/GFSR/index.htm Report, 2012.

(15)  Enderlein et al., Completing http://www.henrik-enderlein.de/CompletingTheEuro_ReportPadoa-SchioppaGroup_NE_June2012.pdf the http://www.henrik-enderlein.de/CompletingTheEuro_ReportPadoa-SchioppaGroup_NE_June2012.pdf Euro, Report http://www.henrik-enderlein.de/CompletingTheEuro_ReportPadoa-SchioppaGroup_NE_June2012.pdf of http://www.henrik-enderlein.de/CompletingTheEuro_ReportPadoa-SchioppaGroup_NE_June2012.pdf the http://www.henrik-enderlein.de/CompletingTheEuro_ReportPadoa-SchioppaGroup_NE_June2012.pdf Tommaso http://www.henrik-enderlein.de/CompletingTheEuro_ReportPadoa-SchioppaGroup_NE_June2012.pdf Padoa-Schioppa http://www.henrik-enderlein.de/CompletingTheEuro_ReportPadoa-SchioppaGroup_NE_June2012.pdf Group, Ġunju 2012

(16)  Ara wkoll l-opinjonijiet tal-KESE rigward il-ħasil tal-flus: ĠU C 75, 15.03.2000, p. 22 u ĠU C 267, 27.10.2005, p. 30.


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Green Paper — L-ibbankjar parallel”

COM(2012) 102 final

2013/C 11/09

Relatur: is-Sur MENDOZA CASTRO

Nhar id-19 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper - L-ibbankjar parallel

COM(2012) 102 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ottubru 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-15 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’208 voti favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja l-Green Paper u jqis li hija pass ’il quddiem fid-direzzjoni t-tajba.

1.2

Minkejja li m’hemmx dubju dwar il-bżonn tal-likwidità tas-sistema finanzjarja - li sa minn qabel il-kriżi ddependiet ħafna fuq is-sistema tal-ibbankjar parallel - l-esperjenza mill-kriżi tgħallem li fil-proċess regolatorju għandha tingħata prijorità lill-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, għax din hija essenzjali.

1.3

Fil-prattika, il-gvernijiet, il-banek ċentrali u l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti kellhom jagħmlu tajjeb għat-telf li kkawża l-ibbankjar parallel, minkejja li dan mhuwiex previst fil-liġijiet.

1.4

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Green Paper għandu jkun li jiġi evitat ir-riskju ta’ arbitraġġ regolatorju.

1.5

Il-Ftehimiet ta’ Basel tal-bidu kienu l-ixprun wara l-iżvilupp tal-ibbankjar parallel, għax il-karti tal-bilanċ tal-banek kienu regolati bir-reqqa filwaqt li l-attivitajiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ ma kinux monitorjati. Fil-fehma tal-KESE, il-Ftehimiet ta’ Basel sussegwenti, trasposti mill-KE fid-Direttivi tas-CRD III u s-CRD IV se jagħlqu dawn il-lakuni. Effettivament, m’għandu jkun hemm l-ebda attività “parallela”; għalhekk is-sistema tal-ibbankjar parallel għandha tkun soġġetta għall-istess rekwiżiti regolatorji u prudenzjali bħall-bqija tas-sistema finanzjarja.

1.6

Ir-regoli l-ġodda għandhom jimmiraw ukoll biex joffru protezzjoni għolja lill-konsumaturi Ewropej.

1.7

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tal-koordinazzjoni tas-superviżjoni globali u l-iskambju tal-informazzjoni.

1.8

Is-sistema finanzjarja fil-forom kollha tagħha għandha sservi lill-ekonomija reali u mhux lill-ispekulazzjoni.

1.9

Il-KESE jenfasizza l-funzjoni vitali tas-sistema finanzjarja għall-investiment, il-ħolqien tal-impjiegi u l-benesseri tas-soċjetà.

1.10

Ir-regoli l-ġodda tas-swieq finanzjarji huma fundamentali biex terġa’ tinkiseb ekonomija sostenibbli.

2.   Sfond

2.1   F’termini ġenerali, is-sistema bankarja parallela tista’ tiġi definita bħala “is-sistema ta’ intermedjazzjoni ta’ kreditu li tinvolvi entitajiet u attivitajiet barra s-sistema bankarja regolari” (Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja).

2.2   Żewġ fatturi kkontribwixxew b’mod dirett għall-iżvilupp tas-sistema bankarja parallela. L-ewwel wieħed jinsab fid-deregolazzjoni tas-sistema finanzjarja li bdiet fis-snin tmenin u li wasslet ukoll għall-konċentrazzjoni qawwija tal-attivitajiet bankarji fi ħdan entitajiet kbar. It-tieni wieħed kien l-effett tal-ewwel Ftehimiet ta’ Basel li bir-regolazzjoni tal-karti tal-bilanċ tal-banek wasslu għal attività spekulattiva li ma tidhrix fil-karta tal-bilanċ.

2.3   Fl-Istati Uniti, l-entitajiet bankarji paralleli nfirxu ħafna b’konsegwenza tal-fatt li ttaffew ir-regoli li kienu jipprojbixxu lill-banek milli joperaw fis-swieq tat-titoli, u tat-tibdil qawwi li sar fl-1999 fuq il-liġi Glass-Steagall tal-1933.

2.4   F’ċerti pajjiżi tal-Ewropa, il-banek u l-fergħat offshore tagħhom operaw fi ħdan il-qafas tar-riforma Basel I u saru investituri kbar fit-titoli u l-obbligi ta’ dejn kollateralizzat (Collateralised Debt Obligations - CDOs) bl-ogħla klassifika (AAA), li għandhom inqas rekwiżiti ta’ kapital.

2.5   Daqs tas-sistema bankarja parallela

Globalment: EUR 46 triljun jew bejn 25 % u 30 % tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi (Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja). Żona tal-euro: EUR 10,9 triljun, li jirrappreżentaw 28 % tat-total (BĊE, l-aħħar tal-2011).

2.6   Fix-xena internazzjonali, ir-rispons politiku għall-kriżi ngħata fil-qafas tal-G20 li fis-Summits ta’ Seoul (Novembru 2010) u ta’ Cannes (Novembru 2011) talbu l-kollaborazzjoni tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja. Il-Green Paper, li hi r-risposta Ewropea, tiffoka l-analiżi tagħha inizjalment fuq:

żewġ attivitajiet:

a)

titolizzazzjoni

b)

self ta’ titoli u tranżazzjonijiet bi ftehimiet ta’ riakkwist (“repos”); u,

ħames tipi ta’ entitajiet:

a)

dawk li jwettqu trasformazzjoni ta’ maturità jew likwidità;

b)

Fondi tas-Suq tal-Flus (Money Market Funds - MMFs)

c)

fondi tal-investiment;

d)

kumpaniji finanzjarji u entitajiet oħra li jwettqu t-trasformazzjoni ta’ kreditu jew likwidità mingħajr ma jiġu regolati bħall-banek;

e)

impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li joħorġu jew jiggarantixxu prodotti ta’ kreditu.

2.6.1   Barra minn hekk, il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja ppropona ħames linji ta’ ħidma li matul l-2012 ser iwasslu għal rapporti dwar:

l-interazzjoni bejn il-banek regolari u l-entitajiet bankarji paralleli (ħidma mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja - Basel Committee on Banking Supervision (BCBS));

ir-riskji sistemiċi tal-Fondi tas-Suq tal-Flus (ħidma mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli - International Organization of Securities Commissions (IOSCO));

ir-rekwiżiti għall-qasam tat-titolizzazzjoni (IOSCO u BCBS);

entitajiet bankarji paralleli oħrajn (Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja); u

self ta’ titoli u r-“repos” (Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja).

3.   Il-fehma tal-KESE

3.1

Il-KESE jqis li l-Green Paper hija pass importanti fid-direzzjoni t-tajba u li twettaq analiżi f’waqtha tal-problemi marbutin mas-sistema bankarja parallela.

3.2

Tradizzjonalment, il-banek iffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom bil-kapital ta’ ekwità u bid-depożiti kummerċjali. Sabiex iżidu l-kapaċità ta’ self, it-titolizzazzjoni tal-kotba tas-self saret prattika standard. F’ċerti każijiet, it-titolizzazzjoni tista’ tkun utli iżda ġiet abbużata fil-perjodu ta’ qabel il-kriżi għax il-kotba tas-self kienu ta’ kwalità baxxa (sub-prime) u t-titoli kienu qegħdin jiġu reċiklati b’mod ripetut (derivattivi) sabiex ikun hemm inflazzjoni fil-profitti tal-banek. Il-volum tal-attivitajiet tal-banek huwa determinat mill-proporzjon ta’ dejn/ekwità tal-assi tal-bank. Filwaqt li l-Ftehimiet ta’ Basel irregolaw il-proporzjon ta’ dejn/ekwità tal-karta tal-bilanċ, il-proporzjon ta’ dejn/ekwità li ma jidhirx fil-karta tal-bilanċ ma kienx irregolat u dan kien isir fuq skala kbira. L-abbuż tas-sub-prime u l-proporzjon eċċessiv ta’ dejn/ekwità saru possibbli bl-ibbankjar parallel. Barra minn hekk, l-attività essenzjali tal-banek – it-trasformazzjoni tal-maturità, fejn l-assi fuq perjodu qasir jinqalbu għal self fuq perjodu twil – sar riskju eċċessivament għoli hekk kif il-banek bdew jiddependu wisq fuq fondi interbankarji fuq perjodu qasir. Din id-dipendenza għaġġlet il-kriżi tal-likwidità hekk kif is-suq fid-derivattivi kkollassa. Mingħajr sorpriża, il-Ftehimiet il-ġodda ta’ Basel ser jirregolaw id-derivattivi, il-proporzjon ta’ dejn/ekwità u l-likwidità.

3.3

B’konsegwenza tad-deregolazzjoni, seħħet trasformazzjoni profonda tal-kummerċ bankarju. Il-kriżi għamlet xi ftit jew wisq ħsara lill-ibbankjar kummerċjali tradizzjonali, li kien ikkontribwixxa għall-prosperità u ż-żieda fil-livell tal-għajxien tan-nies għal għexieren ta’ snin. Filwaqt li jeliminaw l-eċċessi grossi tas-sistema bankarja parallela, ir-regolaturi issa għandhom jagħtu prijorità lill-istabbiltà tas-sistema finanzjarja li hija essenzjali.

3.4

Il-banek paralleli ttrasformaw il-maturità u l-likwidità tal-kreditu b’mod simili għall-banek tradizzjonali. Iżda, id-differenza bejniethom hija li l-banek paralleli m’għandhomx aċċess formali għal selliefa tal-aħħar istanza (banek ċentrali), u fil-prattika, kif uriet l-esperjenza ta’ dan l-aħħar, kienu l-istituzzjonijiet pubbliċi li, permezz ta’ diversi mekkaniżmi, kellhom jagħmlu tajjeb għat-telf li kkawża l-ibbankjar parallel. Kien il-kontribwent li ġarrab l-ikbar ħsarat.

3.5

Is-sistema bankarja parallela ma kinitx soġġetta għall-istess regoli prudenzjali bħall-banek tradizzjonali. Madankollu, jeżistu diversi mezzi li permezz tagħhom il-banek paralleli “jirreplikaw” il-banek tradizzjonali u ħafna mill-banek paralleli kienu kkontrollati mill-banek tradizzjonali. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Green Paper għandu jkun li jiġi evitat ir-riskju ta’ arbitraġġ regolatorju.

3.6

Bix-xieraq, ir-rapport tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja jikkonċentra fuq ir-rwol li s-superviżjoni makroprudenzjali jista’ jkollha fl-identifikazzjoni tal-akkumulazzjoni ta’ riskju sistemiku. Huwa importanti li jiġu monitorjati mill-qrib l-interkonnessjoni u l-mezzi li permezz tagħhom ir-riskju jista’ jgħaddi mis-sistema bankarja parallela għas-settur regolat. Il-KESE jqis li huwa tajjeb li ssir distinzjoni bejn:

is-sistema bankarja tradizzjonali,

l-istituzzjonijiet finanzjarji mhux bankarji, u

is-sistema bankarja parallela.

M’għandu jkun hemm l-ebda attività “parallela”; għalhekk is-sistema tal-ibbankjar parallel – sal-punt li fih ir-regolamenti l-ġodda jħallu lok għaliha – għandha tkun soġġetta għall-istess rekwiżiti regolatorji u prudenzjali bħall-bqija tas-sistema finanzjarja. Ir-riformi li qed iseħħu jew li qed jitħejjew - CRD III, CRD IV, Solvenza II, Basel III - għandhom jikkontribwixxu għal dan il-għan.

3.7

Il-KESE jqis li r-regolazzjoni tas-sistema bankarja parallela għandha timmira wkoll li tipproteġi lill-konsumaturi Ewropej permezz tat-trasparenza tal-prodotti offruti. Il-konsumaturi għandhom id-dritt għal pariri imparzjali u ġusti. Il-Kumitat diġà qal li hu favur il-ħolqien ta’ Aġenzija Ewropea għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi tas-Servizzi Finanzjarji simili għall-Bureau of Consumer Financial Protection li ġie stabbilit bil-liġi Dodd-Frank (1) sabiex tiżdied il-protezzjoni tal-konsumaturi, tittejjeb it-trasparenza u tissaħħaħ is-soluzzjoni tal-ilmenti b’mod effikaċi.

3.8

Min-naħa l-oħra l-KESE appoġġja wkoll il-protezzjoni u t-tħeġġiġ ta’ żvelaturi biex jikkontribwixxi għar-riabilitazzjoni tas-sistema finanzjarja permezz ta’ formulazzjonijiet legali li jiggarantixxu l-immunità meta wieħed jgħarraf lill-awtoritajiet bit-twettiq ta’ atti illegali.

3.9

Dak li hemm bżonn huwa approċċ globali għall-problemi tas-sistema bankarja parallela u li jiġu proposti tweġibiet politiċi. Għandhom jiġu enfasizzati l-koordinazzjoni tas-superviżjoni globali u l-iskambju tal-informazzjoni. Ikun xi jkun il-każ, in-nuqqas ta’ ftehim fil-forums internazzjonali m’għandux ikun ta’ ostaklu biex l-UE tistabbilixxi miżuri leġislattivi adegwati.

3.10

Tagħlima li nistgħu nieħdu mill-kriżi finanzjarja l-kbira hija li s-sistema finanzjarja fil-forom kollha tagħha għandha tkun għas-servizz tal-ekonomija reali. L-abbandun tar-regoli tradizzjonali li mexxew in-negozju bankarju għal għexieren ta’ snin wassal għal żieda enormi fil-prodotti spekulattivi, u dan min-naħa tiegħu wassal għal ħsarat kbar għall-ekonomija.

3.11

Storikament, il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji regolati mill-Istat kollha qdew funzjoni vitali fl-ekonomija minħabba li huma depożitarji u kanalizzaturi tat-tfaddil taċ-ċittadini u tal-impriżi għall-finanzjament tal-investiment, tal-ħolqien tal-impjiegi u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-benesseri tas-soċjetà. Din il-funzjoni mhux dejjem kienet fuq quddiem fis-snin ta’ qabel il-kriżi.

3.12

Il-KESE jipproponi li r-responsabbiltà soċjali tas-settur finanzjarju u l-għan li “niżguraw li l-attivitajiet finanzjarji kollha qed jikkontribwixxu lit-tkabbir ekonomiku” jiffurmaw parti mill-għanijiet tal-Green Paper. Ir-regoli l-ġodda tas-swieq finanzjarji huma strument indispensabbli biex terġa’ tinkiseb ekonomija sostenibbli.

3.13

Fid-dawl tar-regolamentazzjoni li daħlet fis-seħħ f’dawn l-aħħar snin jew li dalwaqt ser tidħol fis-seħħ, il-KESE jfakkar fl-objettiv tat-tfassil tajjeb tal-leġislazzjoni, b’enfasi fuq is-sempliċità u ċ-ċarezza. Hemm bżonn li jiġu evitati d-dupplikazzjonijiet u d-distorsjonijiet li jistgħu jwasslu għal inċertezzi regolatorji u għal sitwazzjonijiet ta’ arbitraġġ.

3.14

L-istrutturi li nħolqu għas-superviżjoni prudenzjali - fosthom insemmu prinċipalment il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ESRB) - huma dawk li għandu jkollhom l-inkarigu li jimmonitorjaw l-evoluzzjoni tas-sistema finanzjarja u tal-attivitajiet tal-ibbankjar parallel b’mod partikolari, sabiex jidentifikaw r-riskji sistemiċi li jfeġġu u jipproponu miżuri sabiex dawn jittaffew.

3.15

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għall-ħidma tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja fil-qasam tal-ibbankjar parallel u li tikkoordina l-inizjattivi tagħha ma’ dan il-korp sabiex tiżgura l-konsistenza kemm f’termini ta’ kontenut kif ukoll ta’ kalendarju.

3.16

Il-KESE jrid jinsisti fuq il-ħtieġa li l-istandards regolatorji prudenzjali u s-superviżjoni jimpedixxu l-kompetizzjoni żleali fis-sistema finanzjarja.

4.   Tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Green Paper

4.1   X’inhu l-ibbankjar parallel?

a)

Taqbel mad-definizzjoni proposta għall-ibbankjar parallel?

Iva. Il-firxa tat-termini tippermetti li d-definizzjoni tkopri s-sett kollu ta’ entitajiet u attivitajiet finanzjarji li jikkaratterizzaw lis-sistema bankarja parallela. Ikun xi jkun il-każ, in-nuqqas ta’ definizzjoni aċċettata m’għandux iżomm lill-awtoritajiet milli jieħdu azzjoni ta’ regolazzjoni u superviżjoni.

b)

Taqbel mal-lista preliminari ta’ entitajiet u attivitajiet bankarji paralleli? Għandhom jiġu analizzati aktar entitajiet u/jew attivitajiet? Jekk iva, liema?

Għandhom jiġu inklużi l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni minħabba r-responsabbiltà tagħhom fil-proċess ta’ titolizzazzjoni.

Għandu jiġi ċċarat jekk l-iswaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (credit default swaps - CDS) u l-istrumenti maħruġa minn selliefa tal-ewwel u tat-tieni grad (first and second lien lenders) humiex inklużi b’mod speċifiku.

Għandha tingħata attenzjoni wkoll għas-suq tal-poloz tal-assigurazzjonijiet bħala investiment (“fondi tal-euro”) li jeżistu f’ċerti pajjiżi tal-UE, li xi kultant jistgħu jintużaw bħala depożiti ta’ bla avviż (demand deposits) mid-detenturi.

4.2   X’inhuma r-riskji u l-benefiċċji relatati mal-ibbankjar parallel?

a)

Taqbel li l-ibbankjar parallel jista’ jikkontribwixxi pożittivament lis-sistema finanzjarja? Hemm aspetti pożittivi oħrajn ta’ dawn l-attivitajiet li għandhom jinżammu u jiġu promossi fil-futur?

Is-sistema bankarja parallela kkontribwixxiet għall-finanzjalizzazzjoni tal-ekonomija u tal-bużżieqa tal-bini li mill-2007 laqtet lil diversi pajjiżi żviluppati biex poġġiet l-ekonomiji tagħhom f’xifer. Għaldaqstant, jista’ jingħad li kienet fundamentalment responsabbli, minkejja li mhux esklużivament, tar-riċessjoni l-kbira li affettwat lill-Istati Uniti u lil ħafna pajjiżi tal-UE.

Is-sistema finanzjarja kollha kemm hi għandha sservi lill-ekonomija reali.

b)

Taqbel mad-deskrizzjoni tal-kanali li, permezz tagħhom, l-attivitajiet bankarji paralleli qed joħolqu riskji ġodda jew jittrasferuhom lil partijiet oħra tas-sistema finanzjarja?

Naqblu. L-erba’ gruppi ta’ riskju jikkorrispondu mal-esperjenza miġbura wara l-kriżi finanzjarja.

c)

Għandhom jitqiesu kanali oħra li, permezz tagħhom, l-attivitajiet bankarji paralleli qed joħolqu riskji ġodda jew jittrasferuhom lejn partijiet oħra tas-sistema finanzjarja?

Fost affarijiet oħrajn, l-użu mill-ġdid u l-ipotekazzjoni mill-ġdid tal-garanziji finanzjarji.

4.3   Liema huma l-isfidi għall-awtoritajiet superviżorji u regolatorji?

a)

Taqbel mal-ħtieġa ta’ monitoraġġ u regolamentazzjoni aktar stretti ta’ attivitajiet u entitajiet bankarji paralleli?

b)

Taqbel mas-suġġerimenti li jikkonċernaw l-identifikazzjoni u l-monitoraġġ tal-entitajiet rilevanti u l-attivitajiet tagħhom? Taħseb li l-UE teħtieġ proċessi permanenti għall-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-identifikazzjoni u l-prattiki superviżorji bejn is-superviżuri kollha tal-UE, il-Kummissjoni, l-BĊE u banek ċentrali oħra?

c)

Taqbel mal-prinċipji ġenerali għas-superviżjoni tal-ibbankjar parallel stipulati hawn fuq?

d)

Taqbel mal-prinċipji ġenerali għall-adozzjoni tas-soluzzjonijiet regolatorji stipulati hawn fuq?

It-tweġiba għal dawn l-erba’ mistoqsijiet hija iva. Il-KESE jenfasizza kemm il-ħtieġa ta’ superviżjoni globali li tkopri l-oqsma kollha tas-sistema finanzjarja, kif ukoll li l-korpi ta’ monitoraġġ u regolazzjoni fil-livelli differenti għandhom jingħataw biżżejjed persunal kwalifikat u mezzi finanzjarji.

e)

X’miżuri jistgħu jkunu previsti sabiex tiġi żgurata konsistenza internazzjonali fit-trattament tal-ibbankjar parallel u jiġi evitat arbitraġġ regolatorju globali?

Il-koordinazzjoni u l-ftehim sħiħ fi ħdan il-G20 huma fundamentali. Skont il-proposta tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (2012), l-Identifikatur tal-Entitajiet Legali (Legal Entity Identifier - LEI) ser jgħin biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet statistiċi, tittejjeb il-ġestjoni tar-riskji fl-impriżi, tittejjeb il-valutazzjoni tar-riskju makroprudenzjali u mikroprudenzjali, jiġu kkontrollati l-abbużi tas-suq u titwaqqaf il-frodi finanzjarja.

4.4   Liema miżuri regolatorji japplikaw għall-ibbankjar parallel fl-UE?

a)

X’inhi l-fehma tiegħek dwar il-miżuri attwali li diġà ttieħdu fil-livell tal-UE biex jittrattaw kwistjonijiet tal-ibbankjar parallel?

F’diversi opinjonijiet il-KESE appoġġja l-miżuri adottati mill-UE, fosthom: id-Direttiva MiFID (2), id-Direttiva AIFM (3), ir-Regolamenti dwar l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (4), eċċ. Fost dawn ta’ min jinnota b’mod partikolari s-CRD III (5), CRD IV (6) u d-Direttiva Solvenza II (7).

4.5   Kwistjonijiet pendenti

a)

Taqbel mal-analiżi tal-kwistjonijiet attwalment koperti mill-ħames oqsma ewlenin fejn il-Kummissjoni qed tanalizza alternattivi oħra?

Iva. Huwa fundamentali li r-regolazzjoni tkun l-iktar effikaċi possibbli mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll f’livell internazzjonali. L-MMFs pereżempju huma bbażati fundamentalment l-Istati Uniti.

b)

Hemm kwistjonijiet oħrajn li għandhom ikunu koperti? Jekk iva, liema?

c)

Liema modifiki tal-qafas regolatorju attwali tal-UE jkunu meħtieġa, jekk hemm, biex jiġu indirizzati kif suppost ir-riskji u l-kwistjonijiet ippreżentati hawn fuq?

Tweġiba għal b) u c): l-għaxar proposti ta’ Paul Tucker, Viċi Gvernatur tal-Bank of England u membru tal-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (Konferenza ta’ Brussell, 27.4.2012):

Il-mezzi jew il-fondi ta’ investiment tas-sistema tal-ibbankjar parallel li huma sponsorizzati jew immexxijin minn banek għandhom jiġu kkonsolidati fuq il-bilanċi tal-banek.

Ir-rata tat-tniżżil tal-klassifikazzjoni prevista fil-Basel III, li fuqha huwa bbażat il-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità, għandha tkun ogħla għal-linji impenjati ta’ entitajiet finanzjarji milli għal dawk ta’ entitajiet mhux finanzjarji. Dan ifisser li l-banek għandhom iżommu aktar assi likwidi biex jiffaċċjaw dawn l-iskoperturi.

Is-superviżuri bankarji għandhom jillimitaw il-proporzjon ta’ kemm il-banek jistgħu jiffinanzjaw lilhom infushom fuq żmien qasir b’fondi monetarji tal-Istati Uniti u sorsi fraġli jew volatili oħrajn, inklużi l-fondi monetarji CNAV (constant net asset value) domiċiljati f’post ieħor.

Jekk jiġu finanzjati materjalment b’dejn fuq żmien qasir, għandhom ikunu soġġetti għal regolazzjoni tat-tip tal-banek u għal superviżjoni tar-reżistenza tal-bilanċi finanzjarji tagħhom.

Il-banek biss għandhom ikunu jistgħu jużaw il-flus tal-klijenti tagħhom u l-assi liberi biex ikunu jistgħu jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess bi proporzjon sinifikanti; minħabba dan għandu jkun hemm relazzjoni prinċipali ċara. Il-forma legali għandha taqbel mal-kontenut ekonomiku.

Rigward l-entitajiet mhux bankarji, il-flus tal-klijenti u l-assi liberi għandhom ikunu separati u ma jiġux użati biex jiffinanzjaw attivitajiet ta’ daqs sinifikanti. Madankollu, għandha titħalla l-possibbiltà li dawn l-entitajiet ikunu jistgħu jsellfu lil dawn il-klijenti fuq bażi kollaterali biex jiffinanzjaw iż-żamma tat-titoli (tranżazzjoni mutwanti b’marġini).

Għandu jkun hemm aktar trasparenza fis-swieq; forsi idealment permezz ta’ reġistru tat-tranżazzjonijiet b’aċċess miftuħ għad-data aggregata sabiex id-dinja kollha tkun tista’ tara x’qed jiġri f’dawn is-swieq finanzjarji, li huma importanti iżda mhux ċari. (Dan ikun utli anke għall-parteċipanti tas-suq infushom.)

L-intrapriżi u l-fondi finanzjarji m’għandhomx ikunu jistgħu jsellfu fuq titoli li mhumiex awtorizzati jew li mhumiex kapaċi jżommu kompletament.

Għandu jiġi regolat il-mod kif l-entitajiet mhux bankarji jużaw il-garanziji ta’ flus kontanti.

L-awtoritajiet għandu jkollhom il-possibbiltà jintervjenu u jistabbilixxu qtugħ jew livelli ta’ marġini minimi għas-swieq finanzjarji b’garanziji (jew għal partijiet minn dawn is-swieq). (Dan għandu jsir fil-livell internazzjonali u jista’ jkun marbut ma’ qtugħ mill-banek ċentrali.)

d)

Liema miżuri oħra, bħal aktar monitoraġġ jew miżuri mhux vinkolanti għandhom jitqiesu?

Il-KESE jissuġġerixxi li:

il-konsumaturi jiġu protetti minn prodotti finanzjarji f’każ fejn possibbilment ikun hemm prattiki kummerċjali żleali rigward dan it-tip ta’ prodotti u servizzi, bħall-bejgħ promozzjonali qarrieq jew il-bejgħ piramida, kif ukoll li fil-kuntratti li jiffirmaw il-konsumaturi ma jkunx hemm klawżoli abbużivi;

tiġi kkunsidrata l-proposta tal-professuri tal-Università ta’ Chicago Eric A. Posner u E. Glen Weyl “An FDA for Financial Innovation: Applying the Insurable Interest Doctrine to Twenty-First-Century Financial Markets” (FDA għall-Innovazzjoni Finanzjarja: l-applikazzjoni tad-duttrina tal-interess assigurabbli għas-Swieq Finanzjarji tas-Seklu 21 – 23.2.2012) li qabel it-tnedija ta’ kull prodott ġdid, dan ikun jeħtieġ l-approvazzjoni mill-gvern bħala servizz tal-ekonomija reali u li din l-approvazzjoni ma tingħatax jekk l-għan tiegħu jkun purament spekulattiv.

Brussell, 15 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 248, 25.8.2011, p. 108.

(2)  ĠU C 220, 16.9.2003, p. 1.

(3)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 90.

(4)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 117 u ĠU L 145, 31.5.2011, p. 30.

(5)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 62.

(6)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 39.

(7)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 11.


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/44


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għall-akkwist elettroniku”

COM(2012) 179 final

2013/C 11/10

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar l-20 ta’ April 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għall-akkwist elettroniku

COM(2012) 179 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ottubru 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’120 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni filwaqt li jagħti importanza kbira lit-tranżizzjoni rapida lejn sistema ġenerali ta’ akkwist elettroniku hekk kif ġiet evalwata b’mod pożittiv f’xi Stati Membri. Is-suq tal-akkwist pubbliku jirrappreżenta ċifra kbira ta’ madwar 20 % tal-PDG tal-UE.

1.2

Fil-klima ekonomika attwali tant negattiva u kkaratterizzata minn aġġustament baġitarju diffiċli għaċ-ċittadini, il-perċezzjoni tal-Ewropa u tal-inizjattivi tagħha hija negattiva ħafna wkoll. Hemm bżonn ta’ sforz kbir min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej sabiex joħorġu iktar fid-dieher u jkunu iktar ċari u evidenti fir-rigward tar-raġunijiet li jwassluhom għal ċertu deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni, l-unika istituzzjoni Ewropea li għandha l-poter li tfassal proposti leġislattivi, għandha responsabbiltà speċifika mhux biss li tinforma iżda anki li tikkonvinċi liċ-ċittadini tagħha mill-utilità tal-proposti tagħha. Il-KESE qiegħed jistinka biex jimxi f’din id-direzzjoni u jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkoopera iktar ma’ istituzzjonijiet Ewropej oħra, anki ma’ dawk ta’ natura konsultattiva.

1.3

Il-KESE jenfasizza li t-tnaqqis drastiku fil-baġits pubbliċi u l-ħruġ qabel mis-suq tal-persunal iktar anzjan u mħarreġ involut fl-attivitajiet tal-akkwist pubbliku, b’mod progressiv qed ifaqqar il-kapital uman tal-amministrazzjoni pubblika, u jistieden lill-Istati Membri sabiex jevitaw tnaqqis ġenerali li huwa ta’ benefiċċju biss fuq perjodu qasir u li jwassal ħafna drabi għal rikors għall-għajnuna esterna billi l-persunal li jkun baqa’ ma jkollux il-livell professjonali meħtieġ.

1.4

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-akkwist elettroniku għall-benefiċċji li jista’ jġib miegħu:

it-trasparenza; il-ġlieda kontra l-frodi;

l-effiċjenza tas-suq;

l-estensjoni tas-suq tal-akkwist pubbliku għall-SMEs;

l-iffrankar ġenerali għall-amministrazzjoni pubblika;

l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern;

il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u l-iżvilupp tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa;

l-opportunitajiet ġodda għall-intrapriżi li joffru servizzi teknoloġiċi;

l-iżvilupp professjonali għall-impjegati fl-amministrazzjoni pubblika u l-intrapriżi.

1.5

Il-Kummissjoni temmen li jista’ jintlaħaq l-għan li t-tranżizzjoni sseħħ sa nofs l-2016 (mistennija fl-2017, billi hemm bżonn sentejn għat-traspożizzjoni). Dan jirrappreżenta aċċellerazzjoni kbira meta mqabbel ma’ dak li sar matul dawn l-aħħar tmien snin. Il-KESE jemmen li dan huwa għan ġust u ambizzjuż li jista’ jintlaħaq biss b’rispett ta’ ċertu kundizzjonijiet bħall-istandardizzazzjoni, l-interoperabbiltà u l-aċċessibbiltà, li ssir referenza għalihom f’din l-Opinjoni. Jekk ma jiġux rispettati dawn il-kundizzjonijiet, ir-riskju jista’ jkun iktar frammentazzjoni tas-suq.

1.6

Il-KESE jappoġġja l-għanijiet proposti iżda jeħtieġlu jirrimarka li sa issa, minkejja l-impenji li ttieħdu, l-ammont ta’ akkwisti elettroniċi għadu modest ħafna. Il-Kummissjoni waslet biex tikkonkludi studju li mistenni jiġi ppubblikat fl-aħħar ta’ din is-sena u li ser jindika l-livell ta’ akkwisti pajjiżi b’pajjiż. Fl-Italja, pereżempju, il-perċentwal huwa ta’ 4 %.

1.7

Il-KESE jwaħħal ħafna fin-nuqqas ta’ spirtu ta’ kollaborazzjoni f’xi Stati Membri li qed jirreżistu l-bidla u li m’għandhomx l-intenzjoni li jiftħu s-suq tal-akkwisti pubbliċi għall-kompetizzjoni sabiex iħarsu l-intrapriżi nazzjonali u biex ma jitiflux poter ekonomiku u politiku konsiderevoli.

1.8

Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni din qed issejħilha “inerzja”. Il-KESE jħoss li hija pjuttost “reżistenza passiva” għall-bidla u l-influwenza protezzjonista tal-pressjoni nazzjonali. Id-disseminazzjoni tal-akkwisti kollha fil-forma elettronika ser trendi t-twaqqif ta’ limitu għall-proċeduri tat-tip Ewropew inutli u ta’ ħsara u dan huwa appoġġat b’mod partikolari mill-SMEs.

1.9

Il-KESE jqis li ż-żamma tal-limiti tmur kontra l-iżvilupp tas-suq intern u l-kompetizzjoni b’kundizzjonijiet indaqs.

1.10

Il-komunikazzjoni. Iċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-awtoritajiet lokali u nazzjonali għandhom ikunu konvinti mill-utilità ta’ dawn l-istrumenti. Sabiex dan ikun jista’ jseħħ hemm bżonn li ninvestu riżorsi fl-informazzjoni, il-komunikazzjoni u attivitajiet ta’ taħriġ b’mod integrat u mingħajr inizjattivi iżolati.

1.11

It-trasparenza. Wieħed mill-effetti immedjati tal-pubblikazzjoni elettronika tal-akkwisti pubbliċi hija ż-żieda fil-livell tat-trasparenza. Il-KESE jissuġġerixxi li apparti l-pubblikazzjoni ta’ avviż, jiżdiedu wkoll l-istat tal-progress fil-ħidma, ir-rispett lejn l-iskeda u d-data tat-twettiq tal-ħidma assenjata jew tat-twassil tal-oġġetti. It-trasparenza tagħti kontribut sabiex il-frodi ssir iktar diffiċli, sabiex isir frankar fl-ammistrazzjoni pubblika u jkun hemm titjib fl-effiċjenza tas-suq.

1.12

L-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni. Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari t-temi relatati mal-interoperabbiltà bejn id-diversi pjattaformi (ħafna drabi portali) u l-istandardizzazzjoni tal-proċessi u d-dokumenti elettroniċi skambjati fid-diversi fażijiet tal-proċess ta’ akkwist. Il-proliferazzjoni ta’ pjattaformi iżolati u ta’ formati u proċessi differenti hija ostaklu biex jiġi awtomizzat l-akkwist pubbliku u ma tħeġġiġx l-adozzjoni fost il-provvedituri, b’mod partikolari l-SMEs. Il-Kummissjoni jeħtieġ li tirrakkomanda mingħajr iktar dewmien l-użu ta’ standard uniku Ewropew (jew internazzjonali) għall-proċessi relatati mal-akkwist pubbliku b’mod partikolari l-ħidma tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) fil-qafas tal-workshop “Business Interoperability Interfaces (BII) għall-akkwist pubbliku fl-Ewropa” (1) u l-implimentazzjoni tal-profili BII fil-PEPPOL (Pan-European Public Procurement Online) speċifiku.

1.13

Il-frammentazzjoni. In-nuqqas ta’ strateġija Ewropea wasslet għall-adozzjoni ta’ pjattaformi u strumenti ta’ identifikazzjoni bla ebda komunikazzjoni bejniethom u li ġew adottati kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll territorjali (fil-Ġermanja, l-Italja eċċ.). Skont l-assoċjazzjoni tal-SMEs, dan kważi dejjem wassal għal deċiżjoni li ma ssirx talba jew għal spejjeż eċċessivi u mhux ġustifikati ta’ ġestjoni, b’mod partikolari mill-SMEs. Il-KESE jqis li l-UE għandha taħdem b’mod effikaċi kontra l-frammentazzjoni tas-suq.

1.14

L-aċċessibbiltà u s-sempliċità. Il-KESE jenfasizza li l-benefiċċji għas-suq, għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u għaċ-ċittadini jistgħu jiġu realizzati jekk is-sistemi jkunu aċċessibbli, billi jiġu garantiti spejjeż baxxi, sistemi faċli ta’ ġestjoni u manteniment, formoli u proċeduri standardizzati u t-twaqqif ta’ glossarju komuni, strument maħsub biex isolvi l-problemi lingwistiċi (ukoll aċċessibbli u faċli jintuża) skont il-prinċipji li l-Kummissjoni stess fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar tagħha impenjat ruħa li tosserva.

1.15

I-intrapriżi soċjali. Il-KESE jirrakkomanda li tingħata l-ikbar attenzjoni fit-tranżizzjoni lejn strumenti elettroniċi sabiex tiġi garantita l-aċċessibbiltà ta’ dawn għall-intrapriżi soċjali. Bosta servizzi soċjali huma provduti minn dawn l-intrapriżi li għandhom parti importanti ħafna fost l-intrapriżi li jiggarantixxu l-għajnuna u attivitajiet ta’ kura.

1.16

Jeħtieġ li r-regoli Ewropej dwar l-akkwisti li jaqbżu l-limitu jipprovdu appoġġ għall-SMEs sabiex dawn ikunu jistgħu jilħqu r-rekwiżiti ta’ kapital u l-esperjenza li jeħtieġu anki permezz ta’ konsorzji jew assoċjazzjonijiet temporanji ta’ intrapriżi. Il-każ tal-Portugall huwa eżempju minnhom. L-SMEs rebħu 87 % tal-akkwisti iżda b’valur ta’ 19 % biss.

2.   Id-dokument fil-qosor

2.1

Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-importanza strateġika tal-akkwist elettroniku (akkwist-e) u tistabbilixxi l-azzjonijiet ewlenin li permezz tagħhom il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tappoġġja t-tranżizzjoni lejn akkwist elettroniku komplut fl-UE.

2.2

L-iffrankar li għamlu l-amministrazzjonijiet li diġà jużaw l-akkwisti elettroniċi jammonta għal bejn 5 u 20 %. Jekk jiġu applikati perċentwali iżgħar għall-akkwisti kollha tal-UE, l-iffrankar jammonta għal iktar minn EUR 100 biljun fid-dawl tal-iskala ġenerali tal-akkwisti pubbliċi.

2.3

Fil-qasam tal-akkwisti pubbliċi (2), hekk kif previst fl-Att dwar is-Suq Uniku tal-2011 (3), il-Kummissjoni ressqet xi proposti bil-għan li t-tranżizzjoni lejn l-akkwisti elettroniċi tintemm sa nofs l-2016 (4). L-għan aħħari huwa “akkwist pubbliku dirett bla xkiel”, fejn il-fażijiet kollha tal-proċedura, min-notifika (notifika elettronika) sal-pagament (pagament elettroniku), isiru b’mod elettroniku (5).

2.4

L-akkwist elettroniku jista’ jtejjeb it-trasparenza tal-opportunitajiet tal-akkwist u l-aċċess għalihom, speċjalment għall-SMEs, u b’hekk jistimula l-kompetizzjoni transkonfinali, l-innovazzjoni u t-tkabbir fis-Suq Uniku.

2.5

Il-Kummissjoni tidentifika żewġ ostakli prinċipali għat-tifrix tal-akkwisti elettroniċi:

l-“inerzja” li wrew ċerti partijiet interessati. L-isfida tikkonsisti f’li nikkonvinċu lill-konsumaturi u l-provvedituri li qed iżommu lura li jbiddlu t-tendenzi kbar tagħhom;

il-frammentazzjoni tas-swieq li tista’ tirriżulta f’varjetà kbira ta’ sistemi, xi drabi teknikament kumplessi, adottati fl-UE.

2.6

Sabiex jiġu realizzati l-għanijiet proposti l-Kummissjoni għandha pjan ta’ azzjoni ta’ 15-il punt.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jagħraf l-importanza ta’ reviżjoni tal-qafas legali tal-akkwist u tranżizzjoni gradwali u awtomatizzazzjoni sħiħa fejn l-użu tal-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni jsir obbligatorju f’ċerti fażijiet tal-proċess ta’ akkwist.

3.2

Il-pjan direzzjonali li ssuġġeriet il-Kummissjoni għal implimentazzjoni gradwali tal-akkwisti elettroniċi huwa ambizzjuż ħafna u jekk jiġi adottat tajjeb ikun ta’ benefiċċju kbir għall-parteċipanti kollha fis-suq kollu tal-akkwisti pubbliċi. Madanakollu, fid-dawl tad-diversi livelli ta’ żvilupp tal-akkwisti elettroniċi pubbliċi fil-pajjiżi differenti, li diġà juru frammentazzjoni f’termini ta’ soluzzjonijiet u pjattaformi, mingħajr indikazzjonijiet strateġiċi/operattivi u mingħajr rispett ta’ ebda kundizzjoni minima bażika, il-frammentazzjoni tas-suq tista’ tkompli tikber.

3.3

Madankollu, l-iżvilupp tal-akkwist elettroniku m’għandux isir bi ħsara għall-prinċipju tal-“aqwa offerta” kif previst fil-Proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku (6).

3.4

Il-KESE jagħmel enfasi partikolari fuq it-temi relatati mal-interoperabbiltà bejn id-diversi pjattaformi (ħafna drabi portali) u l-aċċessibbiltà tal-proċessi u d-dokumenti elettroniċi skambjati fid-diversi fażijiet tal-proċess ta’ akkwist. Huwa meħtieġ standard Ewropew (jew internazzjonali) miftuħ għas-soluzzjonijiet (software) li jintużaw għall-akkwisti elettroniċi tas-settur pubbliku. Il-proliferazzjoni ta’ pjattaformi iżolati, ta’ formati u proċessi differenti hija ostaklu għall-awtomatizzaazzjoni tal-akkwist pubbliċ u ma tħeġġiġx l-adozzjoni fost il-provvedituri, b’mod partikolari l-SMEs. Il-ħidma tas-CEN fil-qafas tal-workshop “Business Interoperability Interfaces (BII) għall-akkwist pubbliku fl-Ewropa” ħolqot profili standard interoperabbli għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet standardizzati ta’ software.

3.5

Sabiex jingħelbu l-ostakli attwali, il-KESE jaqbel mal-użu tal-Kummissjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi bil-għan li jwasslu għall-użu obbligatorju ta’ standards miftuħa internazzjonali jew Ewropej għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi interoperabbli. Ikun utli li jinħloqu linji gwida għall-implimentazzjoni korretta tal-istandards miftuħa abbażi tal-ħidma li wettaq is-CEN fil-workshop dwar il-BII u l-implimentazzjonijiet interni tal-proġett PEPPOL. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tipprevedi espliċitament (7) azzjoni favur l-istandardizzazzjoni tal-akkwisti elettroniċi permezz ta’ tekniċi speċifiċi li jistgħu jiġu implimentati mill-provvedituri kollha tas-soluzzjonijiet u s-servizzi tal-ICT.

3.6

Il-KESE jenfasizza l-kontribut fundamentali li jista’ jagħmel l-akkwist elettroniku għat-trasparenza fil-proċessi ta’ akkwist fis-settur pubbliku u fil-ġlieda kontra l-frodi. L-istrumenti elettroniċi jippermettu l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-proċess sħiħ u kif ikun wettqu l-provveditur. Din l-informazzjoni hija rilevanti sabiex tiggarantixxi l-ikbar trasparenza elettronika tas-settur pubbliku u tista’ tkun inċentiv importanti għall-adozzjoni tal-istrumenti tal-akkwist-e qabel kollox mill-SMEs. Il-Portugall huwa eżempju tal-aħjar prattika f’dan ir-rigward (8) flimkien mal-Litwanja fejn l-użu tan-notifiki elettroniċi, l-aċċess elettroniku u s-sottomissjoni elettronika baqgħu netwerks obbligatorji b’benefiċċji f’termini ta’ prezzijiet (14-55 %) irħas ta’ oġġetti u servizzi, żieda fin-numru ta’ provvedituri li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet minn 20-90 % u tnaqqis fin-numru ta’ ġranet li hemm bżonn għall-proċċess ta’ akkwist, minn 46 jum għal 11-il jum.

3.7

Importanti wkoll li l-inizjativi tal-akkwist-e jipprevedu appoġġ ta’ taħriġ għall-SMEs fl-użu tat-teknoloġiji u sabiex dawn jifhmu l-benefiċċji. L-investiment fit-taħriġ għall-impjegati pubbliċi u privati huwa ta’ importanza fundamentali wkoll. Il-KESE jqis li appoġġ bħal dan ikun utli ħafna. L-SMEs jistgħu jibbenefikaw mill-assoċjazzjoni tagħhom ma’ din il-kategorija.

3.8

L-ostakli lingwistiċi jeżistu u mhux qed jiġu kkunsidrati biżżejjed f’din il-Komunikazzjoni. L-informazzjoni disponibbli fil-pjattaformi tal-akkwist-e għandha tkun disponibbli mill-inqas f’lingwa Ewropea oħra apparti dik nazzjonali. Madanakollu, dan jista’ jinvolvi spejjeż kbar oħra. Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun li l-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa strument speċifiku ta’ traduzzjoni onlajn għall-akkwisti elettroniċi,

3.9

Il-Kummissjoni ma ssemmix il-problema tal-viżibbiltà tal-proċeduri ta’ akkwist li ma jaqbżux il-limiti (below threholds) tas-suq uniku sħiħ, li huma importanti għall-SMEs u l-mikrointrapriżi b’mod partikolari. Il-KESE jemmen li wasal iż-żmien li nirriflettu fuq iż-żamma tal-limiti fid-dawl tal-fatt li permezz tal-pubblikazzjoni elettronika l-akkwisti kollha ser isiru aċċessibbli għal kulħadd.

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi dwar l-azzjonijiet previsti

4.1

Il-KESE jabqel li hemm bżonn ta’ tranżizzjoni lejn awtomatizzazzjoni tal-akkwisti pubbliċi. Filwaqt li l-Kummissjoni tenfasizza l-fażijiet inizjali tal-proċess ta’ akkwist (pubblikazzjoni tal-avviżi, aċċess għad-dokumenti tal-offerti, tressiq tal-offerti, evalwazzjoni tal-proposti u l-għoti tal-kuntratt) importanti wkoll li jiġu integrati d-diversi fażijiet ta’ wara li jingħata l-kuntratt (ordni, riċevuti u ħlas) u jiġu ppubblikati l-progress tal-akkwisti pubbliċi, il-problemi li ġew iffaċċjati, iż-żmien li ħadu t-twettiq u l-ispejjeż.

4.2

L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi hija fundamentali għall-iżvilupp tas-soluzzjonijiet u s-servizzi tal-IT li jistgħu jiġu adottati u jintużaw fil-livelli lokali, nazzjonali u transkonfinali. Il-KESE jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni sabiex tipproċedi b’Azzjoni Nru 2 f’dan ir-rigward. L-implikazzjonijiet għandhom importanza partikolari mhux biss għall-amministrazzjonijiet pubbliċi iżda fuq kollox għall-provvedituri li jistgħu jużaw is-soluzzjonijiet standardizzati u interoperabbli fil-livell Ewropew.

4.3

L-użu ta’ firem elettroniċi huwa kwistjoni kumplessa għat-tranżazzjonijiet transkonfinali. Huma rakkomandati azzjonijiet li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà ta’ dawn is-soluzzjonijiet. Jeħtieġ madanakollu li niġbdu l-attenzjoni għal pajjiżi bħall-Portugall li identifikaw fost id-diffultajiet fl-użu tal-akkwist-e r-rekwiżiti eċċessivi ta’ firem elettroniċi u l-prezz tas-servizzi ta’ time stamping kif ukoll l-interoperabbiltà bejn il-pjattaformi differenti tal-akkwist-e (9).

4.4

Il-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet sempliċi u ta’ prattika tajba hija bla dubju appoġġ validu għall-proġetti ta’ awtomatizzazzjoni tal-akkwisti pubbliċi. Il-bżonnijiet tal-SMEs, b’mod partikolari fil-fażi tas-sottomissjoni elettronika, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp tas-soluzzjonijiet rilevanti. Ir-riżultati tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni (e-Tendering Expert Group) għalhekk huma essenzjali u jistgħu jitressqu għall-valutazzjoni mill-partijiet interessati.

4.5

L-azzjoni l-iktar rilevanti li fuqha għandha tiffoka l-Kummissjoni hija l-modalità tal-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet differenti għall-akkwisti elettroniċi fis-suq intern. B’mod partikolari, il-proġett PEPPOL ħadu sehem fih 11-il pajjiż li żviluppaw tekniċi speċifiċi għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet standardizzati għall-iktar fażijiet kruċjali tal-proċess ta’ akkwist u pjattaforma miftuħa għall-iskambju tad-dokumenti standardizzati u b’hekk ħolqu interoperabbiltà sħiħa bejn id-diversi pjattaformi Ewropej.

4.5.1

Il-komponenti tal-PEPPOL jinkludu: strumenti għall-validazzjoni tal-firem elettroniċi bbażati fuq ċertifikati elettroniċi maħruġa minn awtoritajiet Ewropej; il-European Virtual Company Dossier (EVS) għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni korporattiva b’mod standardizzat (ċertifikati u dikjarazzjonijiet); katalogu elettroniku għall-preżentazzjoni tal-offerti dwar prodotti u servizzi f’forma standardizzata; ordnijiet u riċevuti elettroniċi li jappoġġaw lix-xerrej u lill-provveditur bi proċeduri stabbiliti għall-iskambju tal-informazzjoni għall-attivitajiet komuni. L- għan aħħari huwa infrastruttura tat-trasport tad-dokumenti elettroniċi (in-netwerk) ibbażata fuq standards komuni, kompatibbli fil-livell nazzjonali u li joħolqu konnessjoni bejn il-komunità iżolata/is-sistemi ta’ akkwist elettroniku.

4.5.2

L-EVS jipprovdi b’mod simili għall-eCertis, sistema ta’ informazzjoni li tgħin fl-identifikazzjoni tad-diversi ċertifikati u dikjarazzjonijiet li spiss jintalbu fil-proċeduri ta’ akkwist tas-27 Stat Membru, il-Kroazja (pajjiż aderenti), it-Turkija (pajjiż kandidat) u t-tliet pajjiżi taż-ŻEE (l-Islanda, Liechtenstein u n-Norveġja), l-informazzjoni dwar il-kriterji u l-evidenza/dikjarazzjonijiet li hemm bżonn għall-partiċipazzjoni fl-offerti fl-Istati Membri. Madanakollu, filwaqt li l-bażi ta’ data eCertis attwalment magħmula bħala bażi ta’ informazzjoni, l-EVS tipprovdi interfaċċji ulterjuri bil-għan li tikkollega ma’ servizzi oħra. L-eCertis għandha tipprovdi karatteristiċi simili għal tal-EVS. Il-Kummissjoni għandha tiggarantixxi l-konformità u taġġorna s-sistema ta’ informazzjoni legali billi toffrilhom servizz bħal dan u appoġġ mil-lat tekniku.

4.5.3

Il-KESE jitlob l-appoġġ sħiħ tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għat-tisħiħ tar-rwol tal-assoċjazzjoni OpenPEPPOL u jenfasizza l-importanza tal-manteniment tat-tekniċi speċifiċi żviluppati u l-iżvilupp u l-adozzjoni tagħhom min-naħa tas-settur pubbliku Ewropew għall-implimentazzjoni tal-akkwist pubbliku bil-garanzija tal-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà fid-diversi fażijiet tal-proċess ta’ akkwist mhux biss ta’ qabel l-għoti tal-kuntratt iżda anki ta’ wara sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq.

4.6

Il-KESE jaqbel mal-bżonn ta’ finanzjament u appoġġ għall-iżvilupp ta’ infrastruttra tal-akkwist elettroniku permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa billi nibbażaw fuq dak li diġà ġie żviluppat fl-Istati Membri tal-konsorzju tal-PEPPOL mal-infrastruttura attwali tat-trasport (in-netwerk) li jgħaqqad diversi sistemi fl-Ewropa. Il-KESE jenfasizza l-importanza taż-żamma ta’ infrastruttura miftuħa, aċċessibbli u sikura, ibbażata fuq standards komuni. L-użu tal-fondi strutturali jkun utli sabiex jiffaċilita l-adozzjoni tal-akkwisti pubbliċi.

4.7

Il-KESE jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ strateġija integrata ta’ komunikazzjoni bbażata fuq il-komunitajiet li jeżistu b’mod partikolari l-OpenPEPPOL, b’kooperazzjoni mal-Enterprise Europe Network u bl-użu ta’ programmi ta’ netwerking għar-reġjuni u l-muniċipalitajiet. L-istrateġija ta’ komunikazzjoni tista’ tinqasam bejn il-Kummissjoni, l-OpenPEPPOL u l-proġett pilota l-ġdid A (CIP ICT PSP) Basic Cross Sector Services (BCSS), fil-parti relatata mal-akkwisti elettroniċi pubbliċi.

4.8

Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtomatizza l-proċess ta’ akkwist fil-qalba tal-istrutturi tagħha u li tagħmel disponibbli soluzzjonijiet ta’ open source li ġew żviluppati.

4.9

Il-KESE jaqbel mal-importanza tal-monitoraġġ tal-adozzjoni tal-istrumenti elettroniċi għall-akkwist pubbliku u d-definizzjoni tal-benefiċċji tas-sistema. Minn wara l-adozzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni kull tliet xhur għandha tippubblika informazzzjoni dwar il-progress kwalitattiv u kwantitattiv tal-akkwist pubbliku fl-Istati Membri individwali sabiex tagħti rendikont tal-avvanz tal-proċess.

4.10

F-istess waqt huwa essenzjali wkoll djalogu fil-livell internazzjonali dwar l-użu tal-istrumenti elettroniċi tal-akkwist pubbliku bil-għan li jkun hemm iktar trasparenza u kompetizzjoni. L-użu ta’ standards internazzjonali huwa strument neċessarju għal dan il-għan u għalhekk huwa rrakkomandat il-monitoraġġ tal-iżviluppi relatati. B’mod partikolari huwa importanti li jiġi monitorjat u rrakkommandat l-użu tal-istandards (CEN BII u PEPPOL speċifiċi) fl-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku min-naħa tas-settur pubbliku Ewropew.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  http://www.cen.eu/cwa/bii/specs/Profiles/IndexWG1.html

(2)  Proposta tal-20 ta’ Diċembru 2011: COM(2011) 895 final, COM(2011) 896 final u COM(2011) 897 final.

(3)  L-Att dwar is-Suq Uniku jidentifika sensiela ta’ miżuri li jagħtu spinta lill-ekonomija Ewropea u joħolqu l-impjiegi.

(4)  Il-proposti jipprevedu użu mandatorju tal-akkwist elettroniku sa mhux aktar tard minn sentejn wara d-data ta’ skadenza tat-traspożizzjoni, li fl-ambitu tal-iskeda taż-żmien attwali għall-adozzjoni għandha tippermetti l-implimentazzjoni sa nofs l-2016.

(5)  Il-proċessi ta’ akkwist ikopru żewġ fażijiet ewlenin: il-fażi ta’ qabel l-għoti u l-fażi ta’ wara l-għoti. Il-fażi ta’ qabel l-għoti tinkludi s-sottofażijiet kollha tal-akkwist sal-għotja tal-kuntratt (pubblikazzjoni tal-avviżi, aċċess għad-dokumenti tal-offerti, tressiq tal-offerti, evalwazzjoni tal-proposti u l-għoti tal-kuntratt). Il-fażi ta’ wara l-għoti tinkludi s-sottofażijiet kollha tal-akkwist wara l-għoti tal-kuntratt (l-ordni, l-irċevuta u l-pagament).

(6)  Opinjoni tal-KESE: ĠU C 191, 29.06.2012, p. 84.

(7)  http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/fiche-dae.cfm?action_id=181

(8)  www.base.gov.pt/

(9)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-e-procurement-interventions.24416


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)”

COM(2012) 209 final

2013/C 11/11

Relatur: is-Sinjura BUTAUD-STUBBS

Nhar it-8 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM)

COM(2012) 209 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ottubru 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Diċembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'128 vot favur, l-ebda vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-politika Ewropea relatata mal-għajnuna mill-Istat hija ta’ importanza strateġika għall-UE f'ekonomija globalizzata kompetittiva ħafna.

1.2

Il-KESE jqis li r-riforma proposta mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha għandha tiġi appoġġjata fid-dawl tal-objettivi tal-istess riforma:

li l-politika Ewropea relatata mal-għajnuna mill-Istat tikkontribwixxi għall-Istrateġija Ewropa 2020;

li jkun hemm tqassim ġdid u aktar effiċjenti tar-responsabbiltajiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

li jinkiseb aktar titjib fil-proċeduri.

1.3

Il-KESE jikkondividi l-viżjoni espressa mill-Kummissjoni li hemm bżonn li tissaħħaħ ir-rabta pożittiva bejn l-għajnuna effikaċji mill-Istat u l-objettiv ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv. Politika speċifika ta’ għajnuna mill-Istat tippermetti li tiġi stimulata l-innovazzjoni (inkluża l-innovazzjoni soċjali), jintużaw it-teknoloġiji ekoloġiċi u jiġi żviluppat il-kapital uman, waqt li fl-istess ħin tiġi evitata l-ħsara ambjentali. Jekk tkun immirata tajjeb, politika dinamika tal-għajnuna pubblika tista' tikkontribwixxi b'mod attiv sabiex jintlaħqu livelli għoljin ta’ impjieg u ta’ koeżjoni soċjali.

1.4

Madankollu, din ir-riforma ambizzjuża fl-objettivi, il-metodi u l-iskeda tagħha għandha tkun aktar preċiża dwar ċertu għadd ta’ punti.

1.5

Il-KESE jappella li l-Kummissjoni tippreċiża xi kunċetti msemmija fil-Komunikazzjoni:

1.5.1

Il-kunċett prinċipali ta’ “nuqqasijiet tas-suq” kif applikat mill-Kummissjoni wkoll jidher li għandu bżonn definizzjoni aktar preċiża peress li t-tifsira tiegħu tvarja skont il-kuntesti: l-aċċess għall-kreditu, il-finanzjament tan-netwerks bi prestazzjoni għolja, l-iżvilupp tal-proprjetà kummerċjali, l-aċċess għall-innovazzjoni, it-taħriġ, l-iżvilupp tal-intraprenditorija fost in-nisa, eċċ. Barra minn hekk, dawn jistgħu jintrabtu ma’ numru ta’ kawżi: fatturi esterni negattivi, taħriġ mhux komplut, problemi ta’ koordinazzjoni, eżistenza ta’ poter tas-suq, eċċ.

1.6

Il-KESE jressaq numru ta’ mistoqsijiet dwar ir-riformi proposti:

1.6.1

Ir-riforma proposta mill-Kummissjoni tagħti aktar responsabbiltà lill-Istati Membri fir-rigward tal-għoti u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Liema huma l-mezzi legali u prattiċi li tipprevedi l-Kummissjoni sabiex tikkonvinċi lill-Istati Membri jikkooperaw bi sħiħ fl-applikazzjoni tal-liġi relatata mal-għajnuna mill-Istat?

1.6.2

Żieda fir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-kontroll tal-għajnuna tista' twassal għal applikazzjoni soġġettiva tar-regoli mill-Istati Membri, għal imġiba żleali bejn l-Istati u r-ritorn ta’ ċertu patrijottiżmu ekonomiku li fl-aħħar iwassal għal aktar insigurtà legali għall-intrapriżi.

1.6.3

Abbażi ta’ rapport mid-WTO, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-ammont tal-għajnuna mill-Istat li jagħtu l-kompetituri globali prinċipali tagħna huwa paragunabbli. Madankollu, il-politika Ewropea relatata mal-għajnuna mill-Istat tidher li toffri qafas aktar trasparenti mis-sistemi eżistenti fl-Istati Uniti, fl-Indja, fil-Korea jew saħansitra fil-Brażil. Din id-data hija antika u jeħtieġ li tiġi aġġornata sabiex il-Kummissjoni jkollha stampa kompleta u preċiża tas-sitwazzjoni eżistenti llum.

1.6.4

Il-Kummissjoni tanalizza l-karatteristiċi tas-sistema tal-UE meta mqabbla ma’ sistemi eżistenti oħra ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, iżda ma tislet l-ebda konklużjoni partikolari. Għal liema raġuni ma terġax tafferma, f'dan il-kuntest, il-bżonn ta’ approċċ ekonomiku għall-kondizzjonijiet indaqs fil-livell globali sabiex ikun hemm tqassim bilanċjat ta’ din l-għajnuna? Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn li, b'mod effikaċji, jiġu solvuti l-konsegwenzi speċifiċi tas-sussidji barranin illegali li jirriskjaw il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej meta mqabbla mal-kompetituri globali tagħhom.

1.7

Fl-aħħar, il-KESE jipproponi numru ta’ tibdil li jqis meħtieġa fir-rigward tal-bżonn li rikonoxxew il-Kummissjoni u l-Kunsill, li jiġu appoġġjati l-SMEs, b'mod partikolari billi dawn qegħdin jiffaċċjaw pressjoni kompetittiva minn intrapriżi ta’ pajjiżi terzi li jibbenefikaw, direttament jew indirettament, minn għajnuna mill-Istat akbar u inqas trasparenti.

1.7.1

Fid-dawl tal-kwantità limitata tal-għajnuna mill-Istat, l-effetti pożittivi tagħha fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi u l-impatt limitat tagħha fuq is-suq intern, il-KESE jipproponi li l-limitu massimu tal-għajnuna “de minimis” jitla' b'mod perenni minn EUR 200 000 għal EUR 500 000 peress li dan jiġi valutat fuq perjodu ta’ tliet snin konsekuttivi għall kull intrapriża, bħalma ġie deċiż reċentement għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

1.7.2

Minħabba l-bżonn li l-SMEs Ewropej jiġu megħjuna jiżviluppaw is-suq internazzjonali tagħhom, il-KESE jipproponi modifika għall-Artikolu 27(3) tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni 800/2008 sabiex jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq komuni l-għajnuniet intiżi għall-SMEs sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw f'fieri u eżibizzjonijiet matul perjodu limitat għal tliet snin konsekuttivi.

1.8

Fid-dawl tal-esperjenza tiegħu, il-KESE fassal tliet rakkomandazzjonijiet prattiċi għall-attenzjoni tal-Kummissjoni:

1.8.1

it-tfassil ta’ gwida prattika li tinfirex fuq skala wiesgħa li tagħti d-definizzjonijiet, il-projbizzjonijiet u l-proċeduri disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex jittejbu l-komprensjoni u l-użu korrett tal-għajnuna mill-Istat min-naħa tal-intrapriżi, il-qrati u l-awtoritajiet pubbliċi;

1.8.2

l-organizzazzjoni ta’ seminars addizzjonali ta’ taħriġ għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri sabiex jiġi assigurat li l-liġi tal-UE relatata mal-għajnuna mill-Istat tiġi applikata bl-aktar mod uniformi possibbli fl-Istati Membri kollha;

1.8.3

meta titqies l-importanza tal-modifiki previsti, il-KESE jitlob li jkun ikkonsultat dwar ir-reviżjoni tar-Regolament de minimis, tar-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni u tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni.

2.   Il-kontenut tal-Komunikazzjoni

2.1

Il-Kummissjoni beħsiebha tirriforma l-politika Ewropea relatata mal-għajnuna mill-Istat fi tliet direzzjonijiet prinċipali:

a)

jiġi promoss tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv f'suq intern kompetittiv b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020;

b)

l-analiżi ex ante tal-Kummissjoni tiġi kkonċentrata fuq il-każijiet l-aktar sinifikanti, li jħallu impatt kbir fuq is-suq intern;

c)

jiġu ssemplifikati r-regoli ta’ proċedura u jiġi aċċellerat il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

2.2

Din ir-riforma tistrieħ fuq valutazzjoni mhux eċċessivament pożittiva tal-politika attwali:

ir-regoli attwali huma diffiċli biex jinftiehmu, jiġu applikati u jiġu kkontrollati. Il-Kummissarju J. Almunia stess iddikjara quddiem il-KESE nhar it-23 ta’ Frar 2012 li jeżistu 37 att (regolamenti, komunikazzjonijiet u linji gwida) differenti;

ir-riżultati attwali tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri soġġetti għal eżenzjoni ġenerali qed juru li spiss ikun hemm nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

il-Kummissjoni m'għandhiex regoli li jippermettu li jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari fir-rigward tal-ġestjoni tal-ilmenti;

il-kuntatti bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jaħdmu aħjar fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni u tal-kooperazzjoni fil-proċeduri ta’ notifika.

2.3

Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni f'kuntest fejn huwa għaqli li jiġu sfruttati l-potenzjali kollha tas-suq uniku (enerġija, trasport, teknoloġiji diġitali), il-Kummissjoni tipproponi li tiġi adottata riforma ambizzjuża fl-objettivi, il-metodi u l-iskeda tagħha.

2.4

Ir-riforma proposta hija ambizzjuża fl-objettivi tagħha peress li, fuq naħa, tqiegħed għas-servizz tat-tkabbir Ewropew waħda mill-politiki tal-UE l-aktar antika u l-aktar integrata u, fuq in-naħa l-oħra, tintroduċi titjib proċedurali pjuttost radikali, anke jekk fil-Komunikazzjoni ma ngħatawx ċifri jew dettalji f'dan ir-rigward.

2.5

Ir-riforma proposta hija ambizzjuża fil-metodi tagħha peress li l-Kummissjoni tipproponi li twettaq għadd konkret ta’ reviżjonijiet f'daqqa, fil-qafas ta’ “strateġija integrata”:

reviżjoni tar-Regolament de minimis;

tibdil fir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni tal-Kunsill relatat mad-definizzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ għajnuna ddikjarati kompatibbli mas-suq intern u għalhekk ikunu eżenti mill-obbligu ta’ notifika;

reviżjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa għall-kategoriji ta’ għajnuna koperti mir-Regolament ta’ Awtorizzazzjoni fis-seħħ;

kjarifika legali tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat;

modernizzazzjoni tar-Regolament ta’ proċedura relatat mal-għajnuna mill-Istat.

2.6

Ir-riforma proposta hija ambizzjuża fl-iskeda tagħha peress li l-Kummissjoni tipprevedi li l-proposti għar-reviżjonijiet tar-Regolamenti ta’ Proċedura u ta’ Awtorizzazzjoni jiġu adottati fil-ħarifa 2012 u li l-elementi l-oħra tal-“pakkett” jiġu adottati sal-aħħar tal-2013, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-perspettivi finanzjarji 2014-2020.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fil-kuntest usa' tal-liġi Ewropea tal-kompetizzjoni

3.1.1

Il-KESE japprova l-objettivi li ħabbret il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, li għandhom l-għan li jiffaċilitaw “it-trattament ta’ għajnuna tajba li tkun imfassla tajjeb, immirata lejn nuqqasijiet identifikati tas-suq u għanijiet ta’ interess komuni”, billi l-kontrolli jiġu kkonċentrati fuq il-każijiet li għandhom l-akbar impatt fuq is-suq intern, billi jiġu ssemplifikati r-regoli u jittieħdu deċiżjonijiet aktar malajr.

Dan l-approċċ jagħmel parti minn żvilupp aktar ġenerali tal-liġi tal-kompetizzjoni, fir-rigward kemm tal-liġi dwar il-prattiki kontra l-kompetizzjoni (ftehimiet u abbużi tal-pożizzjoni dominanti) kif ukoll tal-kontroll tal-mergers.

3.1.2

Prattiki antikompetittivi: il-“modernizzazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni” aġġornata mir-Regolament Nru 1/2003 (1) u t-testi ta’ akkumpanjament nedew applikazzjoni deċentralizzata tal-liġi tal-kompetizzjoni, permezz tat-tneħħija tas-sistema tan-notifika minn qabel. Il-Kummissjoni għalhekk tista' tikkonċentra l-azzjoni tagħha fuq il-ġlieda kontra r-restrizzjonijiet u l-abbużi l-aktar gravi, b'mod partikolari l-kartelli. Din il-modernizzazzjoni hija akkumpanjata minn kooperazzjoni msaħħa bejn in-netwerk tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, fuq naħa, u l-Kummissjoni, fuq in-naħa l-oħra.

3.1.3

Kontroll tal-mergers: il-Kummissarju Almunia reċentement ħabbar il-possibbiltà li dalwaqt ikun hemm riforma tas-sistema Ewropea tal-kontroll tal-mergers sabiex, b'mod partikolari, il-Kummissjoni tkun tista' tiffoka fuq il-mergers li l-iktar li jistgħu jolqtu lis-suq (2). Fuq perjodu qasir, dan ifisser li jiġi ssemplifikat it-trattament tal-każijiet l-inqas problematiċi billi tittejjeb il-“proċedura semplifikata” u tiġi riveduta l-proċedura ta’ notifika minn qabel. Fuq perjodu fit-tul, anke l-iskema tal-kontroll tal-mergers tista' tiġi riveduta permezz ta’ analiżi tal-akkwist tal-ishma minuri bla dritt ta’ kontroll u permezz ta’ koordinazzjoni aħjar bejn is-sistemi nazzjonali u Ewropej fir-rigward tal-limiti u r-rinviji.

3.2   Il-kriterji li fuqhom għandu jiġi bbażat qafas ġenerali tal-għajnuna mill-Istat

3.2.1

Il-KESE jerġa' jirrepeti l-appoġġ tiegħu għal qafas ġenerali tal-għajnuna mill-Istat ibbażat fuq il-kriterji li ġejjin (3):

iffukar u għażla tal-għajnuna;

koerenza mal-istrateġiji relatati mat-tlestija tas-suq uniku;

semplifikazzjoni, trasparenza u sigurtà legali fir-rigward tal-proċeduri u tar-regoli;

djalogu msaħħaħ mal-Istati Membri fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ applikazzjoni, kif ukoll fil-fażijiet ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ tal-effikaċja;

tisħiħ tal-informazzjoni destinata għall-intrapriżi dwar ir-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-għajnuna mill-Istat;

responsabbiltajiet kondiviżi, permezz tal-ħolqien ta’ korpi nazzjonali ta’ koordinazzjoni;

adattar tar-regoli Ewropej dwar l-għajnuna mill-Istat għall-istrateġiji tal-għajnuna implimentati mill-imsieħba kummerċjali prinċipali tagħna sabiex tiġi assigurata l-eżistenza ta’ kondizzjonijiet indaqs (“level-playing field”) fir-rigward tal-bqija tad-dinja (4).

3.3   Aktar responsabbiltajiet għall-Istati Membri fl-applikazzjoni tar-regoli relatati mal-għajnuna mill-Istat

3.3.1

Il-KESE jifhem li sabiex il-Kummissjoni tiffoka l-infurzar fuq il-każijiet l-aktar problematiċi, hemm bżonn li jiżdied in-numru ta’ miżuri ta’ għajnuna eżenti mill-obbligu ta’ notifika. Dan jimplika neċessarjament żieda fir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Madankollu, il-KESE jinnota li jkun meħtieġ li jitqiesu l-fatturi speċifiċi tal-liġi relatata mal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-Istat u, b'mod aktar ġenerali, l-entitajiet Statali u pubbliċi kollha li jistgħu jagħtu l-għajnuna, b'xi mod jew ieħor huma ġudikanti fil-kawża tagħhom stess.

3.3.2

Żieda fir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-kontroll tal-għajnuna tista' twassal għal applikazzjoni soġġettiva tar-regoli mill-Istati Membri, għal imġiba żleali bejn l-Istati u r-ritorn ta’ ċertu patrijottiżmu ekonomiku li fl-aħħar iwassal għal aktar insigurtà legali għall-intrapriżi.

3.3.3

Sabiex dan it-tip ta’ riskju jitnaqqas għall-minimu, jistgħu jitqiesu l-approċċi li ġejjin:

aktar trasparenza permezz tal-obbligu ta’ rappurtar min-naħa tal-Istati Membri. Jista' jiġi ppubblikat rapport annwali qasir aċċessibbli minn fuq il-websajt tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament de minimis u tar-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali;

mil-lat finanzjarju, ir-riskju marbut ma’ illegalità/inkompatibbiltà jinġarr biss mill-benefiċjarju tal-għajnuna, li huwa obbligat li jrodd lura s-somma kkonċernata, flimkien mal-imgħax. Għalhekk, ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri tista' tiżdied, pereżempju billi tiġi imposta multa fuq l-“awtorità pubblika” li tat l-għajnuna inkwistjoni;

jista' jiġi previst il-ħolqien ta’ aġenziji nazzjonali indipendenti responsabbli mill-politika tal-għajnuna mill-Istat. Dawn jistgħu jaġixxu bħala “punti ta’ kuntatt” kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-intrapriżi;

il-Kummissjoni għandha twettaq kontrolli ex post aktar effikaċi u tippromovi b'mod attiv l-aħjar prattiki.

3.4   Semplifikazzjoni u trasparenza tal-proċeduri

3.4.1

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri wrew li kapaċi jirreaġixxu meta ffaċċjati bil-kriżi ekonomika u finanzjarja bejn l-2008 u l-2011 billi adottaw għadd ta’ testi speċifiċi (5). Permezz b'mod partikolari ta’ kooperazzjoni msaħħa min-naħa tal-Istati Membri u mobilizzazzjoni qawwija tas-servizzi tal-Kummissjoni, setgħu jittieħdu deċiżjonijiet fi żmien qasir fl-interess tal-Istati u l-intrapriżi.

3.4.2

B'mod ġenerali, madankollu, il-proċeduri jibqgħu twal u kumplessi wisq għall-partijiet interessati. Għalhekk, il-KESE jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni li tnaqqas l-iskadenzi tal-ipproċessar tal-każijiet, billi ttejjeb il-prattiki amministrattivi u tappella lill-Istati Membri sabiex jerfgħu r-responsabbiltà sabiex jiġu garantiti t-trasparenza u l-effiċjenza. Huwa neċessarju li l-iskadenzi jsegwu, kemm jista' jkun possibbli, ir-ritmu tal-attivitajiet ekonomiċi.

3.4.3

F'dan is-sens tista' tiġi estiża l-“proċedura ssemplifikata” għat-trattament ta’ ċerti tipi ta’ għajnuna (6) waqt li din tibqa' f'qafas konkret. Fid-dawl ta’ din il-proċedura, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tivverifika jekk il-miżura ta’ għajnuna hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet u l-prattiki eżistenti.

3.5   Applikazzjoni aħjar tal-liġi (“better enforcement”)

3.5.1

L-implimentazzjoni effettiva tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat hija essenzjali. Il-KESE josserva madankollu li, frekwentement, il-qrati nazzjonali ma jinsabux f'pożizzjoni li jassiguraw applikazzjoni effiċjenti tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-intrapriżi milqutin mill-konċessjoni ta’ għajnuna illegali għal entitajiet kompetituri. Jistgħu jissemmew diversi raġunijiet, fosthom l-għarfien insuffiċjenti mill-maġistrati tal-liġi Ewropea dwar il-kompetizzjoni u l-obbligi proċedurali marbutin ma’ kwalunkwe azzjoni ġudizzjarja.

3.5.2

Huwa xieraq li jiġu żviluppati soluzzjonijiet li jippermettu li tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat fil-prattika. L-intrapriżi kif ukoll il-qrati nazzjonali għandu jkollhom għodod u proċeduri aktar effettivi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Definizzjoni tal-kunċett ta’ “nuqqas tas-suq”

4.1.1

Il-KESE japprova l-objettiv li jiġu approvati biss il-miżuri ta’ għajnuna li (i) jikkontribwixxu għal tkabbir waqt li jippruvaw jirrimedjaw in-nuqqas tas-suq (l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fil-fatt m'għandux jissostitwixxi iżda għandu jikkompleta nefqa privata) u (ii) għandhom effett ta’ inċentiv, jiġifieri jimmotivaw lill-benefiċjarju sabiex jibda attività li kieku ma kienx iwettaq mingħajr l-għajnuna.

4.1.2

F'dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “nuqqas tas-suq” għandu jiġi assolutament preċiżat u muri b'eżempji f'oqsma differenti, abbażi, b'mod partikolari, tal-ġurisprudenza Ewropea eżistenti, sabiex kemm l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll l-intrapriżi jiġu megħjuna jifhmu dan il-kunċett b'mod uniformi u jintegrawh meta jkunu qegħdin joħolqu l-miżuri ta’ għajnuna.

4.2   Napprofondixxu u naġġornaw il-paragun internazzjonali fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

4.2.1

Fil-punti 16 u 17, il-Komunikazzjoni tirreferi għall-politika tal-kompetizzjoni li japplikaw il-pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-UE għandha qafas aktar trasparenti li jippermetti xorta waħda li jintlaħqu livelli kumparabbli ta’ għajnuna. Din l-affirmazzjoni hija bbażata fuq analiżi kumparabbli li saret mid-WTO fl-2006. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni titlob lid-WTO twettaq studju aktar reċenti peress li, minħabba l-kriżi, diversi pajjiżi terzi tal-UE u membri tad-WTO rrikorrew għal sussidji kbar, b'mod partikolari fis-setturi tal-industrija tal-manifattura. Fil-fatt huwa mixtieq li l-politika futura tal-kompetizzjoni, li ser tiġi applikata mill-2013, tkun ibbażata fuq viżjoni reċenti u preċiża tas-sitwazzjoni li teżisti pereżempju fl-Istati Uniti, fiċ-Ċina, fl-Indja u fil-Brażil (inklużi l-għajnuna mogħtija mill-entitajiet federali) f'kuntest ta’ kompetizzjoni ekonomika li saret agħar bil-kriżi globali.

4.2.2

L-implimentazzjoni tar-regoli tal-għajnua mill-Istat għandha tippermetti li tissaħħaħ il-kompetittività fis-suq intern u f'dak internazzjonali. Iżda, l-intrapriżi Ewropej qegħdin jiffaċċjaw il-kompetizzjoni mill-intrapriżi stabbiliti f'pajjiżi terzi fejn il-leġislazzjoni xi kultant ma tipprevedi l-ebda limitu għall-għajnuna mill-Istat. Din is-sitwazzjoni tista' twassal għal xkiel gravi tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-intrapriżi Ewropej, kif tosserva l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni (7).

4.2.3

Fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-Kummissjoni qiegħda tmexxi xi inizjattivi bil-għan li tistabbilixxi kundizzjonijiet indaqs fil-livell globali, abbażi tal-kunċett tal-lealtà. Kwalunkwe riforma tal-liġi tal-għajnuna mill-Istat għalhekk trid tiġi kkoordinata mal-azzjonijiet li tmexxew mill-Kummissjoni fil-livell tal-istrumenti ta’ politika kummerċjali (regoli tad-WTO, ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles).

4.3   Reviżjoni tal-approċċ relatat mal-għajnuna għall-esportazzjoni

4.3.1

Fil-proposta għal Regolament li jistabbilixxi Programm għall-Kompetittività tal-intrapriżi u l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (2014-2020) (COM(2011) 834 final), il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-bżonn li l-SMEs jiġu megħjuna jesportaw fi ħdan l-UE u lejn id-dinja kollha sabiex isibu opportunitajiet għat-tkabbir. Huwa previst li l-intrapriżi li għandhom prospetti ta’ tkabbir jingħataw sostenn u servizzi ta’ appoġġ permezz tan-netwerk Enterprise Europe.

4.3.2

Madankollu, fl-istess ħin, id-duttrina tal-Kummissjoni tidher wisq restrittiva peress li, pereżempju, fil-qasam tal-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-fieri u l-eżibizzjonijiet, l-Artikolu 27 tar-Regolament 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 jimponi numru ta’ kundizzjonijiet kumulattivi: l-għajnuna għandha tirrappreżenta sa massimu ta’ 50 % tal-ispejjeż eliġibbli u tingħata lill-SMEs abbażi tal-liġi tal-UE u biss għall-ewwel parteċipazzjoni tagħhom f'fiera jew eżibizzjoni.

4.3.3

Dan il-kriterju tal-ewwel parteċipazzjoni huwa meqjus bħala inadegwat għal strateġija ta’ żvilupp fil-livell internazzjonali li timplika l-preżenza fl-istess suq matul mill-inqas 3 snin qabel ma tkun tista' tiġi żviluppata strateġija ta’ żvilupp (aġent, twaqqif, distribuzzjoni). Għalhekk, il-KESE jipproponi li l-kriterju fl-Artikolu 27(3) “għall-ewwel parteċipazzjoni” jinbidel bil-kriterju “għall-parteċipazzjoni f'fiera jew esibizzjoni sa massimu ta’ tliet snin wara xulxin”, waqt li it-tnejn l-oħra ma jinbidlux.

4.4   Sabiex l-għajnuna mill-Istat twassal għal tkabbir sostenibbli u inklużiv

4.4.1

L-UE għandha tiggarantixxi li l-għajnuna mill-Istat tistimola l-innovazzjoni, inkluża fil-qasam soċjali permezz tal-għajnuna għall-innovazzjoni soċjali li diġà hija rikonoxxuta fl-“Unjoni għall-innovazzjoni”, tal-użu tat-teknoloġiji ekoloġiċi u tal-iżvilupp tal-kapital uman fi ħdan mudell ta’ żvilupp sostenibbli. Il-KESE jilqa' r-rikonoxximent gradwali tal-għajnuna għall-innovazzjoni soċjali bħala għajnuna kompatibbli mas-suq komuni (8) u jixtieq li dan il-moviment ikompli jikber fil-futur fil-kuntest tal-proċess tal-modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

4.4.2

Il-KESE jappoġġja wkoll li tinħoloq għajnuna mill-Istat destinata għar-riċerka u l-iżvilupp li tinkludi l-ħolqien, it-twettiq u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti, programmi u servizzi aċessibbli għal gruppi vulnerabbli (b'mod partikolari l-persuni b'diżabilità) fil-ħajja soċjali (9).

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(2)  http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=SPEECH/12/453&format=HTML&aged=0&language=EN (mhux disponibbli bil-Malti)

(3)  (ĠU C 65, 17.3.2006, p. 1, punt 3.1) – mhux disponibbli bil-Malti.

(4)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/intm/132797.pdf.

(5)  Ara r-regoli temporanji għall-għajnuna mill-Istat stabbiliti b'risposta għall-kriżi ekonomika u finanzjarja.

(6)  ĠU C 136, 16.6.2009, p. 3 – mhux disponibbli bil-Malti.

(7)  Ara l-punt 17 tal-Komunikazzjoni.

(8)  COM(2010) 546 final; COM(2011) 609 final; ĠU L 7, 11.1.2012, p. 3.

(9)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1.


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/54


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni — Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej — Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir”

COM(2012) 225 final

2013/C 11/12

Relatur: is-Sinjura MADER

Nhar it-22 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej – Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir

COM(2012) 225 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ottubru 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 143 vot favur, vot 1 kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fit-22 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej. Dan id-dokument jistabbilixxi l-qafas strateġiku fil-qasam tal-politika tal-konsumaturi permezz ta’ erba' għanijiet ewlenin: it-tisħiħ tas-sigurtà tal-konsumaturi, it-titjib tal-informazzjoni, it-titjib tal-miżuri adottati biex il-liġijiet jiġu infurzati u biex jiġu offruti mezzi ta’ rikors, kif ukoll l-adattar tal-liġijiet u l-prinċipji politiċi għall-iżviluppi ekonomiċi u soċjali. Huwa jidħol fil-qafas tal-Istrateġija “Ewropa 2020”.

1.2

Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar ir-rwol essenzjali li għandhom il-konsumaturi biex jagħtu spinta lit-tkabbir u dwar il-ħtieġa li jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih huma jevolvu.

1.3

Il-KESE jappoġġja l-għanijiet stabbiliti fl-aġenda iżda għandu d-dubji dwar ir-rabta tiegħu mal-“Programm tal-konsumaturi” kif ukoll dwar kemm ir-riżorsi li ser jingħata ser ikunu adegwati, peress li dawn jidhru neqsin ħafna meta mqabbla mal-ambizzjoni ddikjarata.

1.4

Il-KESE jfakkar li l-interessi tal-konsumaturi jridu jitqiesu fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki kollha tal-UE. Huwa sodisfatt li permezz tal-Aġenda għall-Konsumaturi, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li tiġbor f'test wieħed il-parti l-kbira tal-inizjattivi tal-UE dwar il-politika Ewropea tal-konsumaturi, li qabel kienu mxerdin. Din l-aġenda hija pass importanti li jenfasizza l-importanza li tingħata lill-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-konsumaturi fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE.

1.5

Il-KESE huwa sodisfatt li qed jingħata rikonoxximent lir-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi li għandhom jingħataw il-mezzi adegwati għall-ħidma li tingħatalhom. B'mod partikolari huwa sodisfatt li fl-aġenda l-Kummissjoni Ewropea qed tesprimi l-intenzjoni tagħha li tikkoopera mal-gvernijiet nazzjonali biex tassigura għarfien aħjar tar-rwol ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet.

1.6

Għall-KESE huwa partikolarment importanti li l-persuni vulnerabbli jingħataw attenzjoni, speċjalment fil-kuntest ekonomiku u soċjali attwali. Għaldaqstant, jappoġġja l-inizjattivi previsti mill-aġenda favur l-inklużjoni finanzjarja u l-aċċess għas-servizzi essenzjali.

1.7

Il-KESE jinsisti fuq l-importanza li jagħti lill-azzjonijiet kollha li jirrigwardaw l-iżvilupp sostenibbli. Għaldaqstant, huwa jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kontroll tal-enerġija u l-kunsiderazzjoni tal-ekodisinji; barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jintużaw miżuri effikaċi biex jissaħħu r-regoli dwar l-etika u l-ekoloġija fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-oġġetti, speċjalment dawk importati minn pajjiżi terzi.

1.8

Il-KESE jqis li t-tisħiħ tas-sigurtà alimentari huwa essenzjali biex tiġi garantita s-sigurtà tal-prodotti mill-post tal-produzzjoni sal-post tal-konsum u biex tkun possibbli kompetizzjoni li tkun b'saħħitha u ġusta. Il-miżuri li jridu jittieħdu jservu biex jikkontribwixxu wkoll ħalli terġa' tinkiseb il-kunfidenza tal-konsumaturi li tnaqqret wara diversi kriżijiet sanitarji.

1.9

Il-Kumitat huwa sodisfatt bl-inizjattivi kollha li ttieħdu biex il-konsumaturi jkollhom informazzjoni adattata għall-ħtiġiet tagħhom. Madankollu huwa jfakkar li l-edukazzjoni tal-konsumaturi ma tistax twassal biex il-professjonisti jeħilsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom.

1.10

Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi mmirati li jinfurzaw il-liġijiet tal-konsumaturi, li jwasslu biex dawn jiżviluppaw u biex jiġu stabbiliti mezzi ta’ rikors effikaċi. F'dan ir-rigward ifakkar li s-sistemi ta’ mezzi alternattivi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim iridu jkunu indipendenti mill-partijiet fit-tilwima. Fl-aħħar, kif enfasizza f'Opinjonijiet differenti, il-Kumitat jaqbel mal-implimentazzjoni tal-azzjoni kollettiva u jqis li l-introduzzjoni ta’ strument Ewropew ma tistax tiġi posposta aktar.

2.   Sommarju tal-Proposta tal-Kummissjoni

2.1   Fit-22 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej. Dan id-dokument jistabbilixxi l-qafas strateġiku fil-qasam tal-politika tal-konsumaturi għas-snin li ġejjin. Dan jidħol fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jkompli ma’ inizjattivi oħra, fosthom l-inizjattiva dwar il-programm tal-konsumaturi għall-perjodu 2014-2020.

2.2   Il-Kummissjoni, tixtieq tpoġġi lill-ħames mitt miljun konsumatur Ewropew, li l-infiq tagħhom jgħodd għal 56 % tal-PDG tal-UE, fiċ-ċentru tas-suq uniku bħala atturi ewlenin tat-tkabbir peress li “L-istimulazzjoni ta’ din id-domanda tista' tgħin lill-UE tirkupra mill-kriżi”.

2.3   Biex jintlaħaq dan il-għan u tikber il-kunfidenza tal-konsumaturi, l-aġenda tiżviluppa erba' għanijiet:

2.3.1   It-tisħiħ tas-sigurtà tal-konsumaturi

Biex tirrispondi għall-isfidi marbutin mal-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti u servizzi, ikun x'ikun il-post tal-produzzjoni tagħhom, il-Kummissjoni tixtieq ittejjeb il-qafas regolatorju marbut mas-sigurtà tagħhom u ssaħħaħ il-qafas tas-sorveljanza tas-suq filwaqt li twettaq kontrolli fis-sors fil-qasam tas-sigurtà u tal-konformità tal-prodotti.

Hija tinsisti fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà fl-istadji differenti tal-katina tal-ikel.

Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, hija tħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni ta’ bejniethom.

2.3.2   It-titjib tal-għarfien

Il-Kummissjoni tqis li l-konsumaturi għandu jkollhom informazzjoni ċara, affidabbli u kumparabbli kif ukoll l-għodod meħtieġa biex ikunu jistgħu jifhmu drittijiethom. Għaldaqstant, hija tqis li l-informazzjoni għall-konsumaturi għandha tittejjeb u li l-konsumaturi għandhom jiġu sensibilizzati dwar id-drittijiet u l-interessi tagħhom. Hija tqis li din is-sensibilizzazzjoni għandha ssir ukoll mill-professjonisti u ser tieħu l-inizjattivi meħtieġa fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali tagħhom. Hija tirrikonoxxi r-rwol importanti li jaqdu l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi biex ixandru din l-informazzjoni kif ukoll biex jirrappreżentaw u jiddefendu lill-konsumaturi.

2.3.3   Titjib tal-miżuri biex jiġu infurzati l-liġijiet u joffru mezzi ta’ rimedju

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tinforza l-liġi tal-konsumaturi b'mod effikaċi u tagħti lill-konsumaturi mezzi effikaċi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim. Hija għandha l-intenzjoni li ttejjeb id-dispożizzjonijiet attwali għar-riżoluzzjoni tat-tilwim transkonfinali, ikun xi jkun il-mezz ta’ kummerċjalizzazzjoni, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali l-kbar.

2.3.4   L-allinjament tad-drittijiet u l-politiki ewlenin mal-bidla fl-ekonomija u s-soċjetà

Il-Kummissjoni tqis li l-proposti tagħha jridu jadattaw għall-iżviluppi fil-modi ta’ konsum, speċjalment għall-era diġitali. Hija tinsisti fuq il-ħtieġa li dawn iqisu l-ħtiġiet tal-konsumaturi vulnerabbli u tqis li għandhom jiġu faċilitati l-għażliet għal ekonomija sostenibbli.

2.4   L-għanijiet stabbiliti fl-aġenda jirrigwardaw prinċipalment ħames setturi: dak diġitali, is-servizzi finanzjarji, l-ikel, l-enerġija u l-ivvjaġġar u t-trasport.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar ir-rwol essenzjali li għandhom il-konsumaturi biex jagħtu spinta lit-tkabbir, dwar l-isfidi tas-snin li ġejjin u dwar il-ħtieġa assoluta li jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih qed ngħixu. Il-poter tal-akkwist tal-konsumaturi ntlaqat ħażin mill-kriżi. Barra minn hekk, il-modi ta’ konsum qed jinbidlu. Huma jeħtieġu aktar għarfien tekniku u xi drabi jiswew il-flus.

3.2

Minkejja l-bażi soda ta’ regoli tal-Unjoni, għad hemm diffikultajiet marbutin mal-implimentazzjoni tagħhom: il-konsumaturi m'għandhomx il-mezzi adegwati biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom filwaqt li l-għadd ta’ lmenti ma waqafx jiżdied u hemm nuqqas ta’ informazzjoni affidabbli għall-konsumaturi minkejja l-ammont eżaġerat ta’ informazzjoni f'diversi forom.

3.3

Lil hinn mill-istqarrija tal-prinċipji fl-aġenda li wieħed jista' biss jaqbel magħhom, il-KESE għandu d-dubji dwar ir-rabta bejn il-Programm tal-konsumaturi u l-aġenda kif ukoll dwar kif ser tiġi implimentata din il-politika.

3.4

F'dan ir-rigward, fl-Opinjoni tiegħu tat-28 ta’ Marzu 2012 (1) il-KESE enfasizza n-nuqqas ta’ mezzi attribwiti lill-politika tal-konsumaturi u esprima t-tħassib tiegħu dwar il-possibbiltà li jiġi implimentat programm ambizzjuż meta l-fondi mogħtija huma ftit wisq għall-ambizzjonijiet iddikjarati.

3.5

Il-Kummissjoni ppreżentat lista sostanzjali ta’ inizjattivi li ser jiġu adottati biex jintlaħqu l-għanijiet tal-aġenda. Madankollu, dak li huwa verament importanti, huwa li dawn l-inizjattivi jkunu ta’ kwalità tajba u applikabbli biex joffru l-effikaċja meħtieġa biex jiġi żgurat livell verament għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi. Huwa biss meta l-miżuri tal-aġenda jiġu adottati u implimentati mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati l-oħra li l-effetti tagħhom jibdew jinħassu mill-konsumaturi.

3.6

F'dan il-kuntest, il-KESE jinnota li jonqos proċess trasparenti u effikaċi għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni u r-riżultati ta’ din l-aġenda. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea żżid il-kriterji ta’ valutazzjoni u l-indikaturi tal-kwalità biex tivvaluta l-progress annwali u tippubblika rapport kull tmintax-il xahar dwar l-implimentazzjoni tal-aġenda.

3.7

L-aġenda turi kemm l-ambitu tal-politika tal-“konsumaturi” huwa wiesa', u dan isaħħaħ il-punt, li l-KESE diġà ġibed l-attenzjoni għalih, dwar il-ħtieġa li l-interessi tal-konsumaturi jitqiesu fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki kollha tal-UE. Madankollu, il-KESE ma jistax jifhem kif l-aġenda ma tkoprix il-ħarsien tal-konsumaturi fil-qasam mediku: il-prodotti farmaċewtiċi u l-istrumenti mediċi, minkejja li dawn kienu fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-mezzi tax-xandir f'diversi Stati Membri għall-ħsara li kkawżaw lill-konsumaturi u lill-pazjenti. Il-KESE jqis li politika olistika tal-ħarsien tal-konsumaturi għandha tinkludi l-kamp mediku u farmaċewtiku wkoll, f'termini ta’ sigurtà, informazzjoni u implimentazzjoni tal-liġijiet tal-konsumaturi.

3.8

Il-KESE josserva b'sodisfazzjoni li l-Kummissjoni tixtieq li l-professjonisti jaderixxu mal-politiki implimentati għall-ħarsien tal-konsumaturi. Huwa f'dan il-kuntest li għandu jitwettaq b'urġenza taħriġ fl-intrapriżi dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.Kemm jista' jkun malajr, in-netwerks tal-organizzazzjonijiet tal-intrapriżi kkonċernati minn din il-miżura huma mħeġġa li joffru pakketti ta’ taħriġ bl-għajnuna tal-Kummissjoni Ewropea li jkunu indirizzati b'mod partikolari għall-SMEs.

3.9

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tinkludi l-partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-aġenda u ssaħħaħ id-djalogu, partikolarment mal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi biex tiżgura parteċipazzjoni adegwata fl-iżvilupp tal-politiki li jirrigwardawhom.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Dwar is-sigurtà

4.1.1

Il-KESE jappoġġja b'fermezza r-reviżjoni tal-qafas leġali dwar is-sigurtà tal-prodotti biex il-konsumaturi jkollhom il-garanzija ta’ prodotti u servizzi sikuri.

4.1.2

Huwa jqis li l-ħolqien ta’ regoli ta’ kontroll, prattiki moderni u armonizzati u metodi ta’ kooperazzjoni, fost l-oħrajn mal-awtoritajiet kompetenti fil-post tal-produzzjoni, jippermetti sorveljanza aħjar tas-suq bil-għan li tinħoloq kompetizzjoni ġusta li minnha jgawdu l-intrapriżi u l-konsumaturi kollha. Barra minn hekk, il-KESE għandu d-dubji tiegħu dwar il-post u l-mezzi li ngħataw lill-istandardizzazzjoni.

4.1.3

Il-KESE jqis li t-tisħiħ tas-sigurtà hija essenzjali biex terġa' tinkiseb il-kunfidenza tal-konsumaturi li tnaqqret wara diversi kriżijiet sanitarji. It-titjib fl-infurzar tal-liġi u l-koordinazzjoni tal-Istati Membri huma essenzjali f'dan ir-rigward.

4.2   Dwar l-informazzjoni

4.2.1

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni dwar l-inadegwatezza tal-abbundanza ta’ informazzjoni disponibbli meta mqabbla mal-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Huwa jappoġġja l-ħtieġa tal-konsumaturi li jkollhom informazzjoni affidabbli, ċara, komparabbli li ma tkunx aċċessibbli biss bil-mezzi elettroniċi iżda wkoll permezz ta’ mezzi oħra.

4.2.2

Il-KESE huwa sodisfatt bir-rikonoxximent tar-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u jfakkar li dan għandu jsir fil-prattika bl-allokazzjoni ta’ riżorsi kemm mill-awtoritajiet Ewropej kif ukoll dawk nazzjonali li jkunu adegwati għall-għanijiet li jridu jintlaħqu, b'mod partikolari t-twettiq ta’ testijiet fuq il-prodotti u s-servizzi offruti lill-konsumaturi.

4.2.3

Il-Kumitat japprova l-miżuri li ttieħdu biex titwassal l-informazzjoni indirizzata lill-konsumaturi sakemm din tkun pertinenti u jkollha impatt reali.

4.2.4

Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattivi kollha marbutin mal-edukazzjoni tal-konsumaturi u jinsisti b'mod partikolari fuq il-ħtieġa mhux biss li l-konsumaturi jiġu informati iżda wkoll li l-għarfien tagħhom jikber. Dan irid jibda mill-iskola, pereżempju fil-kompetenzi meħtieġa fil-qasam diġitali u dak finanzjarju. Dawn iridu jitnedew gradwalment, filwaqt li jiġi rikonoxxut li fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jieħdu post l-informazzjoni li jridu jgħaddu l-professjonisti.

4.3   Dwar l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni u l-mezzi ta’ rikors.

4.3.1

Il-KESE jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinforza l-liġi tal-konsumaturi li tirrispondi għal aspettattiva importanti, peress li l-akkumulu tar-regolamenti ma jwassalx għal livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi.

4.3.2

Il-Kumitat jappoġġja l-eżistenza ta’ netwerks Ewropej, l-aktar anzjan fosthom in-Netwerk Ġudizjarju Ewropew li nħoloq fl-2001. Biex tiġi żgurata l-effikaċja ta’ dawn in-netwerks, huwa jitlob li ssirilhom valutazzjoni fuq bażi regolari sabiex jinsiltu t-tagħlimiet meħtieġa.

4.3.3

Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi kollha li jippermettu għarfien aħjar tal-istat tal-liġi fl-Unjoni Ewropea.

4.3.4

Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattivi awtoregolatorji u koregolatorji bħall-pubblikazzjoni ta’ linji gwida, bil-kundizzjoni li dawn l-inizjattivi jilħqu l-għanijiet tal-politika pubblika b'mod effikaċi. Barra minn hekk, il-kontrolli regolari u l-valutazzjonijiet tagħhom iridu jassiguraw li fil-każ li dawn l-għanijiet ma’ jintlaħqux jistgħu jieħdu posthom miżuri obbligatorji.

4.3.5

Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiffaċilita r-riżoluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti bil-kundizzjoni li dawn is-sistemi jkunu indipendenti mill-partijiet u imparzjali u li ma jeskludux il-possibilità ta’ rikors legali, kif kien enfasizza fl-Opinjoni tiegħu (2);

4.3.6

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi miżuri effikaċi li jiffavorixxu t-tranżazzjonijiet kummerċjali elettroniċi flimkien ma’ sistemi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim onlajn (ODR). Barra minn hekk, huwa sodisfatt li qed jiġi ppjanat li tinħoloq pjattaforma tal-partijiet interessati biex tiġi diskussa “trustmark” Ewropea għas-siti tal-internet.

4.3.7

Rigward l-azzjoni kollettiva, il-KESE jiddispjaċih li l-aġenda tgħamel biss allużjoni kawta ħafna għall-possibbiltà li tiddaħħal din l-għodda ta’ infurzar tal-liġi tal-konsumaturi u jqis li fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali f'xi pajjiżi membri, kif ukoll fil-każ tat-tilwim transkonfinali u wara l-konsultazzjonijiet kollha li saru, wasal iż-żmien li tieqaf il-prokrastinazzjoni u li l-implimentazzjoni ssir kemm jista' jkun malajr.

4.4   Il-L-allinjament tal-liġijiet u l-politiki ewlenin mat-tibdil fl-ekonomija u s-soċjetà

4.4.1   Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tagħti segwitu lill-abbozz ta’ regolament dwar liġi Ewropea tal-bejgħ li jistabbilixxi regoli fakultattivi, u dan minkejja l-oppożizzjoni ta’ kważi kull organizzazzjoni tal-konsumaturi u ta’ xi intrapriżi. Huwa jfakkar li huwa kontra (3) peress li din il-proposta mhijiex adegwata biex tilħaq xi għanijiet mixtieqa, fosthom livell aktar għoli ta’ ħarsien tal-konsumaturi. Huwa jinsisti fuq il-ħtieġa li l-liġi Ewropea tal-konsumaturi tiżviluppa.

4.4.2   Is-settur diġitali

Il-Kumitat jappoġġja l-proposti differenti li saru fil-qasam diġitali fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi. Huwa josserva li l-Kummissjoni ser taħdem biex tiżgura li l-konsumaturi f'dan is-settur igawdu mill-istess livell ta’ ħarsien, inizjattiva indispensabbli għal żvilupp id f'id mal-progress li jsir.

4.4.3   Is-servizzi finanzjarji

4.4.3.1

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ddeċidiet li ssaħħaħ is-superviżjoni tagħha fuq is-servizzi finanzjarji proposti lill-konsumaturi u b'mod partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli fosthom. Huwa jappoġġja din id-direzzjoni li għandha toffri aktar trasparenza u l-possibbiltà ta’ paraguni bejn l-offerti u bejn it-tariffi.

4.4.3.2

Il-Kumitat jixtieq ifakkar li huwa partikolarment attent għall-aspetti kollha tal-inklużjoni finanzjarja.

4.4.4   L-ikel

4.4.4.1

Il-Kumitat japprova mingħajr riżervi l-adozzjoni ta’ regoli li jikkonċernaw l-informazzjoni dwar l-ikel u l-informazzjoni nutrizzjonali għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika li l-konsumaturi huma attenti ħafna għalihom.

4.4.4.2

Il-problemi reċenti f'xi Stati Membri dwar id-distribuzzjoni illegali tal-alkohol jerġgħu jiġbdu l-attenzjoni għall-importanza tas-sorveljanza u tal-kontroll tas-suq.

4.4.4.3

Il-KESE huwa favur l-idea li jittieħdu miżuri mmirati lejn il-fażijiet differenti tal-katina agroalimentari biex tiġi evitata l-ħela tal-ikel.

4.4.5   L-enerġija

4.4.5.1

Il-Kumitat huwa attent b'mod partikolari għall-fatt li l-enerġija hija essenzjali għall-konsumaturi kollha speċjalment dawk li huma vulnerabbli, li għandu jkollhom dan is-servizz b'kundizzjonijiet aċċettabbli.

4.4.5.2

Il-KESE jinkoraġġixxi l-inizjattivi mmirati li jiffavorixxu l-ġestjoni tal-konsum tal-enerġija, billi l-enerġija hija riżors skars, filwaqt li jitqies il-piż fuq il-baġit tal-familji. Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu vvalutati t-tekniki li jiġu offruti lill-konsumaturi b'mod li jiġi vverifikat li huma verament innovattivi u produttivi.

4.4.6   Il-vjaġġi u t-trasport

4.4.6.1

Il-KESE jqis li huwa importanti li t-trasport jidħol fl-aġenda, kemm dak bl-ajru kif ukoll it-trasport pubbliku. Huwa jaqsam it-tħassib tal-Kummissjoni dwar it-titjib tad-drittijiet tal-passiġġiera li jridu jiġu adattati għall-offerta li jagħmlu l-kumpaniji u l-operaturi tal-vjaġġi. Il-KESE jenfasizza li fil-qasam tat-trasport bl-ajru b'mod partikolari, ir-reviżjoni prevista tal-liġi Ewropea u l-miżuri rispettivi previsti mill-Att dwar is-suq uniku (4) għandhom isaħħu d-drittijiet tal-passiġġieri u jimmiraw li jnaqqsu l-inċidenza ta’ kuntratti u l-prattiki kummerċjali mhux ġusti.

4.4.6.2

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-urġenza li jiġu adottati miżuri mmirati li jħarsu l-passiġġieri li jinqabdu f'post minħabba l-falliment ta’ kumpaniji tal-ajru, din il-problema ma tqajmitx fl-aġenda tal-konsumaturi.

4.4.6.3

Il-Kumitat jaqbel mal-idea li tiġi żviluppata strateġija favur il-“karozzi nodfa” fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet tad-CO2.

4.4.7   Prodotti ekoloġiċi

4.4.7.1

Il-KtR kemm-il darba saħaq fuq l-importanza kbira li għandu l-iżvilupp sostenibbli għall-ġejjieni tal-Ewropa. Għaldaqstant, huwa jappoġġja l-indikazzjoni li l-Kummissjoni qed tagħti li l-prodotti jridu jservu aktar u li tinkoraġġixxi l-ekodisinn fil-prodotti kollha.

4.4.7.2

Il-KESE jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-isforzi li l-Kummissjoni Ewropea qed tkompli tagħmel biex tippromovi l-politiki tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) iżda hemm bżonn ta’ miżuri aktar stretti biex jiġu assigurati t-trasparenza u r-responsabbiltà ħalli l-produzzjoni u d-distribuzzjoni jkunu aktar etiċi u ekoloġiċi, speċjalment fil-każ ta’ prodotti ġejjin minn pajjiżi terzi. Hemm bżonn li jiddaħħlu miżuri vinkolanti għal pajjiżi terzi biex jiġi garantit li dawn it-tipi ta’ prodotti jkunu konformi mal-istandards Ewropej, pereżempju l-obbligu ta’ prova bil-miktub li l-oġġetti jikkonformaw mal-istandards internazzjonali tax-xogħol.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 89.

(2)  ĠU C 286, 17.11.2005, p. 1.

(3)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 75.

(4)  COM(2010) 608 final.


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta’ investiment”

COM(2012) 352 final — 2012/0169 (COD)

2013/C 11/13

Relatur: is-Sur IOZIA

Nhar l-10 ta’ Settembru 2012 u nhar il-11 ta’ Settembru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dokumenti bit-tagħrif ewlieni għall-prodotti ta’ investiment

COM(2012) 352 final – 2012/0169 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ottubru 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 voti favur, l-ebda vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Proposta għal Regolament imressqa mill-Kummissjoni u jemmen li din hi konsistenti mal-impenji li ttieħdu biex jimtela l-vojt leġislattiv Ewropew f’dik li hi protezzjoni tal-investituri fil-livell ta’ konsumatur (retail investors).

1.2

Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ att leġislattiv li għall-ewwel darba jirregola kull tip ta’ prodott finanzjarju kumpless u jiżgura l-paragunabbiltà tagħhom irrispettivament min-natura tal-manifatturi tagħhom, kemm jekk dawn ikunu banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni jew kumpaniji ta’ investiment, u japprezza l-isforz tal-Kummissjoni biex issib soluzzjonijiet bilanċjati li jkunu jistgħu jiġu applikati fl-istess ħin minn kulħadd.

1.3

F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE talab li jiġu adottati rekwiżiti uniformi ċari, sempliċi u paragunabbli. Għalhekk, jilqa’ b’mod pożittiv ir-Regolament u jittama li l-kummenti mressqa f’din l-Opinjoni jiġu aċċettati sabiex ir-Regolament isir iżjed ċar u jiġi infurzat u applikat minnufih.

1.4

Minkejja l-ammont kbir ta’ regolamentazzjoni maħruġa fl-aħħar tliet snin, il-KESE jinnota li għadhom ma nkisbux żewġ għanijiet fundamentali, jiġifieri li tiġi rkuprata għalkollox l-integrità sħiħa fis-suq u li s-suq ikun verament integrat u miftuħ għall-atturi kollha. B’xorti ħażina, l-iskandli finanzjarji reċenti wrew li għad trid tittieħed azzjoni determinata u deċiżiva min-naħa tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali biex jagħmluha verament impossibbli li jitwettqu aktar attivitajiet li jikkawżaw telf enormi għal min ifaddal, bħal fil-każ tal-manipulazzjoni tal-Libor. Qed ikompli jkun hemm ostakli li jxekklu t-twettiq sħiħ tas-suq intern, sabiex titħares il-pożizzjoni vantaġġuża tal-kumpaniji nazzjonali. Ma sarux passi sinifikanti ’l quddiem fir-rigward tas-self ipotekarju, il-paragunabbiltà u t-trasparenza tal-prezzijiet tal-kontijiet kurrenti u tas-servizzi prinċipali, il-kontenut tal-prodotti bażiċi, l-aċċess ta’ ċerti kategoriji żvantaġġati għas-servizzi bankarji, l-azzjonijiet kollettivi, ir-rikonoxximent tal-kapaċità tal-assoċjazzjonijiet tal-utenti u tal-konsumaturi li jaġixxu, il-protezzjoni tal-kuntratti transkonfinali u l-proċeduri armonizzati ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, għalkemm għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni qed taħdem biex timla l-vojt leġisltattiv eżistenti.

1.5

Il-KESE jinnota li ma ġie previst xejn rigward il-possibbiltà li jiġu imposti sanzjonijiet fuq manifatturi minn pajjiżi terzi, li diffiċli jittieħdu passi legali kontrihom meta ma jirrispettawx ir-regoli Ewropej. F’dan il-każ jissuġġerixxi li jkunu l-intermedjarji li jerfgħu l-piż u r-responsabbiltà f’każ li jinkiser ir-Regolament. Barra minn hekk, għandu jiġi propost li l-pajjiżi terzi fejn jinsabu l-kwartieri taċ-ċentri finanzjarji ewlenin jadottaw regoli simili u li dawn jiġu integrati fil-linji gwida mħejjija mill-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB – Financial Stability Board).

1.6

Il-KESE, filwaqt li jifhem ir-raġunijiet tal-Kummissjoni rigward il-koeżistenza tad-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni (KID – Key Information Document) propost f’dan ir-Regolament u d-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni għall-Investitur (KIID – Key Investor Information Document) previst fid-Direttiva 2009/65/KE u inserit fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 583/2010 tal-1 ta’ Lulju 2010, jemmen li hemm bżonn jiġi evalwat jekk hux opportun li jinżammu żewġ dokumenti differenti għall-investimenti finanzjarji, u jissuġġerixxi li fi żmien sentejn mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-prodotti ta’ investiment il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tipproponi l-fużjoni taż-żewġ mudelli differenti billi tadatta r-rekwiżiti tal-UCITS għal dawk tal-KID.

1.7

Il-KESE ma jaqbilx mal-għażla tal-Kummissjoni li tuża atti delegati għal elementi essenzjali tar-regolamentazzjoni, liema elementi għandhom jiġu infurzati hekk kif jinħareġ ir-Regolament. B’mod partikolari, l-Artikolu 8(2) jħalli prattikament 90 % tar-regolamentazzjoni għall-atti delegati: id-dettalji tal-preżentazzjoni u l-kontenut ta’ kull wieħed mill-elementi tal-informazzjoni ewlenija li trid tiddaħħal fid-dokumenti, tal-kontenut addizzjonali possibbli u tal-format komuni. Id-delega mitluba fl-Artikolu 10(2) tikkonċerna l-kontenut u l-modalitajiet tal-analiżi tal-informazzjoni u r-reviżjonijiet possibbli. Fl-aħħar nett, id-delega mitluba fl-Artikolu 12(4) tikkonċerna l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġi pprovdut id-dokument u l-metodu flimkien mal-limitu ta’ żmien biex jiġi pprovdut id-dokument.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu riveduti dawn il-proposti u l-frażijiet li jistgħu joħolqu konfużjoni u inċertezza, fosthom “f’biżżejjed żmien” u “ma tipperikolax b’mod serju”. Huwa jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika aħjar il-proċeduri li jridu jiġu adottati f’każ ta’ ksur f’diversi Stati Membri u tiddefinixxi liema awtoritajiet delegati huwa awtorizzati jimponu s-sanzjonijiet, li f’każijiet oħrajn jiġu determinati mill-awtoritajiet superviżorji Ewropej.

1.9

Il-KESE jemmen li l-proposta li ssir fl-Artikolu 15 dwar l-istrumenti alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim għandha tiġi armonizzata mas-soluzzjonijiet imressqa fil-qafas tar-reviżjoni tal-Proposta għal Direttiva dwar l-ADR (COM(2011) 793 final) u l-istabbiliment ta’ sistema ta’ soluzzjoni onlajn għat-tilwim tal-konsumaturi permezz ta’ Regolament (COM(2011) 794 final), li dwarhom il-KESE diġà ħareġ opinjoni (1). Fl-Artikolu 11 il-Kummissjoni għandha ssemmi b’mod espliċitu l-possibbiltà li jkun hemm azzjonijiet kollettivi jew fi grupp f’każ ta’ mġiba ħażina.

1.10

Il-KESE jissuġġerixxi li t-test tar-Regolament jinkludi referenza għad-dritt ta’ rtirar ta’ min jixtri l-prodotti finanzjarji mill-bogħod, liema dritt hu previst mid-Direttiva MiFID u mil-leġislazzjoni eżistenti.

1.11

Il-KESE jemmen li għandha tiġi diskussa l-possibbiltà li l-KIDs tal-prodotti finanzjarji jitpoġġew f’portal wieħed. Dan jiffaċilita l-paragunabbiltà bejn il-prodotti differenti u jiżgura l-aħjar trasparenza fis-suq.

1.12

Il-KESE ma jaqbilx mad-derogi proposti rigward l-għoti tal-KID. Għall-kuntrarju ta’ dan, huwa jemmen li d-deroga prevista għall-bejgħ mill-bogħod għandha mingħajr dubju titneħħa filwaqt li għandha ssir riflessjoni fil-fond dwar l-oħrajn. Qabel ma jsir akkwist minn fuq it-telefon, il-klijent tal-bank jew tal-kumpanija tal-assigurazzjoni għandu jirċievi l-KID fil-ħin opportun.

1.13

Il-KESE jemmen li fil-lista tal-kontenut tal-KID jeħtieġ li tiżdied ukoll l-ispiża reali għall-utent finali.

2.   Sinteżi tal-Proposta

2.1

Il-Proposta għal Regolament analizzata hawnhekk hija dwar it-titjib tat-trasparenza fis-suq tal-investimenti għall-investituri fil-livell ta’ konsumatur. Bħalissa m’hemmx regoli ċari li jiddefinixxu r-rekwiżiti dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni, u l-investituri m’għandhomx il-possibbiltà li jifhmu sewwa r-riskji li għalihom jiġu esposti l-investimenti tagħhom.

2.2

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata, sempliċi u li tinfiehem, l-investituri fil-livell ta’ konsumatur jistgħu jħallsu prezzijiet mhux ġustifikati li ma jkunux adatti għall-profili tar-riskju tagħhom, jew inkella jitilfu opportuniajiet oħra ta’ investiment.

2.3

Sistema omoġenea, semplifikata u standardizzata ta’ informazzjoni tiżgura li din l-informazzjoni tkun paragunabbli u tinfiehem filwaqt li żżid it-trasparenza u l-effiċjenza tas-suq.

2.4

Sabiex timla dan il-vojt u abbażi tal-esperjenza miksuba permezz tad-Dokument bit-Tagħrif Ewlieni għall-Investitur għall-UCITS, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi adottat dokument li jkun fih informazzjoni qasira, paragunabbli u standardizzata li jinkiteb mill-manifattur tal-prodotti ta’ investiment.

2.5

Ir-Regolament għandu japplika għall-prodotti kumplessi kollha, irrispettivament mill-forma jew l-istruttura tagħhom, li jiġu mmanifatturati mill-industrija tas-servizzi finanzjarji biex jipprovdu opportunitajiet ta’ investiment lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur, fejn ir-rendiment offrut lill-investitur ikun espost għall-prestazzjoni ta’ assi, wieħed jew iżjed, jew ta’ valuri referenzjarji li mhumiex rata tal-imgħax.

2.6

Il-KID għandu jinkiteb skont l-indikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament, u l-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tistabbilixxi aktar speċifikazzjonijiet u informazzjoni li għandhom jiġu inklużi permezz ta’ atti delegati. Jekk ma tiġix rispettata l-leġislazzjoni jew ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti, il-manifattur ikun obbligat li jagħti kumpens għad-danni kkawżati lill-investitur fil-livell ta’ konsumatur.

2.7

Ir-Regolament jinkludi l-proċeduri għat-tressiq tal-ilmenti, għar-rimedji u għall-kooperazzjoni attiva u mingħajr dewmien bejn l-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi li jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.

2.8

Id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali u finali jipprevedu, fost affarijiet oħrajn, li l-leġislazzjoni dwar il-KIIDs għall-UCITS ma tinbidilx għal ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Ir-Regolament propost ser jerġa’ jiġi analizzat wara erba’ snin minn meta jidħol fis-seħħ, u hawnhekk jiġi deċiż jekk jinżammux id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65/KE (2) li tirrigwarda r-rekwiżiti dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni għall-UCITS.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Sa f’Jannar 2008, fl-Opinjoni dwar il-Green Paper dwar is-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur fis-Suq Waħdieni (3), il-KESE kien talab li jittieħdu miżuri sabiex l-informazzjoni li trid tingħata lill-investituri fil-livell ta’ konsumatur, b’mod partikolari fil-każ tal-prodotti aggregati u strutturati, tkun ċara, eżawrjenti, essenzjali u trasparenti.

3.2

L-adozzjoni ta’ miżuri maħsuba biex inaqqsu b’mod sinifikanti l-iżbilanċ fl-informazzjoni bejn il-manifatturi tal-prodotti finanzjarji u l-investituri fil-livell ta’ konsumatur hija waħda mill-kundizzjonijiet indispensabbli sabiex jinħoloq suq finanzjarju uniku fejn tiċċirkola informazzjoni ċara, preċiża, sempliċi u paragunabbli. Il-Proposta tal-Kummissjoni hija pass fid-direzzjoni t-tajba.

3.3

Il-possibbiltà ta’ arbitraġġ regolatorju bejn regoli inqas stretti u għalja u oħrajn aktar preskrittivi twassal għal distorsjoni fis-suq, u b’hekk jinħolqu fatturi li jxekklu t-twettiq ta’ suq finanzjarju uniku li jkun ġenwin, trasparenti u effiċjenti.

3.3.1

L-adozzjoni ta’ format ta’ informazzjoni standardizzat fl-UE hija indispensabbli sabiex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp ta’ suq transkonfinali integrat. Id-differenzi leġislattivi li jeżistu bħalissa fid-diversi pajjiżi joħolqu vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat għal dawk l-intrapriżi li joperaw f’pajjiżi li ma jipprevedu l-ebda obbligu, fejn jistgħu jipproponu trankwillament prodotti li jista’ jkollhom riskji potenzjali moħbija kbar.

3.4

Għal dawn ir-raġunijiet ġenerali, il-KESE jaqbel kemm mar-referenza għall-Artikolu 114 tat-TFUE kif ukoll mal-għażla li jiġi adottat regolament. Il-KESE kemm-il darba stqarr li hu favur dan l-istrument bħala l-aħjar għażla għar-regolazzjoni fis-settur finanzjarju sabiex jiġu evitati l-fenomenu tar-regolamentazzjoni żejda (gold-plating) u l-fenomenu li jingħażlu biss l-aħjar elementi (cherry-picking), li huma fenomeni tipiċi fit-traspożizzjoni tad-direttivi dwar l-attivitajiet finanzjarji. Jidher li l-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità hija ġustifikata u motivata.

3.5

Jeħtieġ li tingħata informazzjoni dwar il-gwadanji possibbli, li jinkludu l-kummissjonijiet u t-taxxi li jistgħu jkunu marbutin mal-prodott. Jekk il-prodott finanzjarju jkun ibbażat fuq muniti differenti, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat ir-riskju tal-kambju u li jitqiesu l-istorja tal-prodott u tal-muniti uffiċjali li l-prodott ikun maħruġ fihom. L-informazzjoni dwar il-prodott għandha tinkludi l-prezz fil-munita oriġinali u l-prezz fil-munita tal-pajjiż fejn jiġi kummerċjalizzat il-prodott. Dan iżid b’mod konsiderevoli l-komprensibbiltà u l-paragunabbiltà għall-investituri fil-livell ta’ konsumatur.

3.6

Il-KESE jemmen li hu indispensabbli li tissaħħaħ l-attività ta’ kontroll min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti sew fil-livell nazzjonali u sew f’dak Ewropew. Huwa mħasseb ferm dwar il-fehma tal-Kummissjoni li l-awtoritajiet Ewropej m’għandhomx bżonn jissaħħu fid-dawl tar-rwol mogħti lilhom fir-Regolament preżenti. Ir-responsabbiltajiet li jingħataw u li dejjem qed jiżdiedu mhumiex jiġu akkumpanjati minn evalwazzjoni adegwata tar-riżorsi disponibbli. Pereżempju, fid-9 ta’ Ottubru 2012 l-EBA b’kollox kellha 80 persuna biex iwettqu għadd ta’ responsabbiltajiet konsiderevoli. Jekk jiżdiedu r-responsabbiltajiet mingħajr ma jitqies l-istat permanenti ta’ emerġenza li jinsabu fih l-awtoritajiet, jista’ jiġri li dan jiġi interpretat bħala sinjal kontrarju għal dak li tipproponi l-leġislazzjoni analizzata f’din l-Opinjoni.

3.7

Il-KESE jenfasizza l-importanza li kellha r-regolamentazzjoni dwar il-prospetti ta’ informazzjoni għal dawk li investew fil-UCITS. Dan ta spinta konsiderevoli lis-suq fl-Ewropa, u t-trasparenza tal-għodod ta’ informazzjoni (KIID) tejbet l-operat tas-suq. Ir-rekwiżiti li jinsabu fil-KID huma aktar avvanzati u l-Kumitat jittama li jibda jintuża format uniku malajr.

3.8

Il-KESE jiddispjaċih li ma ssir l-ebda referenza għall-implikazzjonijiet b’rabta mal-prodotti tal-pajjiżi terzi u jistieden lill-Kummissjoni tirrifletti fuq il-bżonn li tinkludi din id-dispożizzjoni b’mod espliċitu fir-Regolament. Fil-każ ta’ dawn il-prodotti, l-intermedjarji għandhom jerfgħu r-responsabbiltà minflok il-manifatturi.

3.8.1

Il-kriżi finanzjarja tal-2007-2009 kienet ikkaratterizzata minn prodotti tossiċi maħluqa mill-istituzzjonijiet finanzjarji Amerikani l-kbar. Ħareġ fid-dieher li l-hekk imsejħa “sub-primes” kienu junk bonds b’riskju għoli immens, u t-tliet aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu l-kbar ilkoll żbaljaw meta ġġudikawhom bħala affidabbli. Sabiex il-prodotti manifatturati f’pajjiżi terzi jkunu jistgħu jinbiegħu, jeħtieġ li l-bejjiegħa jassumu r-responsabbiltà tal-manifattur tal-prodott, li ma jistax jiġi obbligat direttament mir-Regolament Ewropew biex jinkludi l-KID.

3.9

Il-frammentazzjoni tas-suq finanzjarju hija problema oħra li dan ir-Regolament jgħin biex tingħeleb. S’issa r-regoli differenti waqqfu l-proċess ta’ integrazzjoni reali tas-swieq nazzjonali, u s-suq transkonfinali qed ibati minħabba dan il-patchwork regolatorju, li jżid l-ispejjeż u jiffavorixxi l-evitar ta’ regoli aktar stretti u aktar iffokati fuq il-ħarsien tal-konsumatur.

3.9.1

Huwa fundamentali li jiġu appoġġjati l-programmi tal-edukazzjoni finanzjarja maħsuba għall-konsumaturi. Fl-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu (4), il-KESE jgħid: “[i]ndubbjament, l-edukazzjoni finanzjarja hija element prinċipali biex ma tintilifx il-fiduċja fis-sistema finanzjarja u jiġi żgurat konsum responsabbli tal-prodotti finanzjarji”.

3.10

Il-KESE jirrakkomanda li l-valutazzjonijiet tal-impatt jikkunsidraw il-firxa sħiħa ta’ regoli li qed jitfasslu u l-ispejjeż tagħhom: regolamentazzjoni żejda mhux ġustifikata tikkawża danni inkalkolabbli mhux biss għall-industrija finanzjarja, iżda għall-ekonomija kollha. Jekk il-mutur tal-finanzi jieqaf, tista’ tinħoloq kriżi li qatt ma kien hawn bħalha, kif urew l-esperjenzi reċenti li swew mijiet ta’ biljuni ta’ euro u l-kriżi ekonomika gravi f’ċerti pajjiżi.

3.11

Il-Proposta tal-Kummissjoni tirreferi għall-bejjiegħa biss meta ssemmi r-responsabbiltà tagħhom u s-sanzjonijiet. Ma jingħad xejn dwar it-taħriġ meħtieġ tal-impjegati tal-intrapriżi li jbigħu s-servizzi finanzjarji u dwar il-ħtieġa li tiġi limitata bil-kbir ir-rabta bejn il-bejgħ ta’ prodotti speċifiċi u l-bonuses mogħtija lill-impjegati li jbigħu l-aktar. Billi dan l-aspett jiġi indirizzat fid-Direttiva MiFID il-ġdida u għandu importanza fundamentali, il-KESE jissuġġerixxi li fir-Regolament issir referenza espliċita għad-direttiva msemmija.

3.11.1

Il-KESE kemm-il darba ġibed l-attenzjoni li waħda mill-kawżi prinċipali tal-bejgħ xejn għaqli ta’ prodotti tossiċi, mhux adegwati jew riskjużi ħafna mingħajr ma tingħata l-informazzjoni korretta dwarhom, li kkawża telf kbir għal min ifaddal, kienet il-politika irrazzjonali tal-intrapriżi finanzjarji u bankarji li lill-maniġers jagħtuhom bonuses astronomiċi skont ir-riżultati li jiksbu f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna.

3.11.2

Sabiex jinkisbu dawn ir-riżultati ntużaw prattiki ħżiena, li llum qed jiġu penalizzati mill-qrati permezz ta’ rimborżi enormi li ċerti banek u intrapriżi finanzjarji huma obbligati jagħtu lill-klijenti tagħhom. Fosthom hemm l-istituzzjonijiet li l-iskemi ta’ remunerazzjoni tagħhom huma bbażati fuq il-bejgħ akkost ta’ kollox ta’ prodotti b’rendiment għoli għall-bejjiegħ, filwaqt li jagħtu baġit li jrid jintlaħaq minn kull punt tal-bejgħ. Dawn huma sistemi ta’ kummerċjalizzazzjoni adatti għall-bejjiegħa tal-laħam, mhux għal bank li juża t-tfaddil ta’ ħajjet in-nies!

3.11.3

Minkejja l-inizjattivi kollha li ttieħdu, b’xorti ħażina rridu ninnotaw li ċerti prattiki ħżiena għadhom jintużaw bla ma qatgħu xejn, u dawn jinkludu saħansitra l-manipulazzjoni tar-rati ta’ referenza, bħall-każ reċenti tal-Libor, sabiex jiġu ġġenerati profitti straordinarji. Din l-imġiba, li tikkonċerna lil minoranza żgħira ħafna tal-industrija finanzjarja Ewropea, tħassar ir-reputazzjoni tas-sistema kollha u l-wirt ta’ fiduċja li nkiseb matul snin sħaħ ta’ xogħol. Il-komunità finanzjarja kollha għandha żżomm profil etiku għoli u rigoruż ħafna fin-negozju tagħha. L-assoċjazzjonijiet bankarji għandhom jippenelizzaw b’mod sever lill-intrapriżi u l-persuni li jiksru l-prinċipji ġenerali tal-kondotta, u saħansitra jeskluduhom mill-assembleji tagħhom u jipprojbixxu lil min jiċċappas bi ksur serju milli jwettaq attivitajiet bankarji. Ta’ sikwit huma baqgħu siekta meta raw imġiba ċarament illeġittima u ta’ spiss anke illegali.

3.12

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-Kummissjoni tissorvelja l-effettività tas-sanzjonijiet li għandhom jistabbilixxu l-Istati Membri. Fil-leġislazzjonijiet nazzjonali jeżistu ħafna differenzi dwar kemm jitqiesu bħala serji r-reati jew il-każijiet ta’ ksur fis-settur finanzjarju. Dawn huma marbutin kulturi ekonomiċi u legali differenti tal-pajjiżi individwali. Għalkemm mhux possibbli li fil-qasam amministrattiv u kriminali jinħarġu liġijiet Ewropej bis-sanzjonijiet relatati, jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel sforz sabiex sew il-leġislazzjoni u sew is-sanzjonijiet isiru kemm jista’ jkun uniformi. Hemm riskju reali li mid-dumping regolatorju ngħaddu għad-dumping tas-sanzjonijiet, bl-istess liġijiet iżda sanzjonijiet differenti ħafna: dan iwassal biex l-operaturi joperaw minn fejn ikun hemm l-inqas riskju! Huwa indispensabbli li jkun hemm koordinazzjoni u sforzi komuni sabiex ir-regolazzjoni ssir aktar effettiva u effikaċi. Jirrakkomanda wkoll li jitqiesu d-diversi tipi ta’ sanzjonijiet, li f’xi pajjiżi huma amministrattivi u f’oħrajn legali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-KESE jemmen li b’mod globali l-Proposta hi bilanċjata, iżda tista’ tittejjeb fir-rigward tal-partijiet neqsin indikati fil-kummenti ġenerali.

4.2

Il-KESE jaqbel mal-għażla li l-attenzjoni titpoġġa fuq il-prodotti bi profil tar-riskju pjuttost għoli, sabiex l-industrija finanzjarja ma titgħabbiex b’piż kbir mingħajr bżonn li tipprovdi dokumenti ta’ informazzjoni li fil-fatt ma jkunux utli.

4.3

Il-KESE jilqa’ li fir-Regolament toħroġ fid-dieher b’mod ċar il-katina tar-responsabbiltajiet u jingħad min għandu l-kompitu li jfassal il-KID. Fil-passat, l-inċertezza dwar l-identifikazzjoni ta’ dawn ir-responsabbiltajiet ħolqot diffikultà biex jintalab rimedju mingħand min ipprovda informazzjoni skorretta u qarrieqa li kkawżat telf enormi għall-investituri fuq livell ta’ konsumatur.

4.4

Il-KESE jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni, li ilha tintalab żmien twil, ibbażata fuq is-soluzzjoni adottata għall-UCITS, jiġifieri dokument ta’ informazzjoni qasir, miktub b’mod konċiż u b’lingwaġġ mhux tekniku, li jevita l-jargon u li jinkiteb b’format komuni li jista’ jitqabbel ma’ prodotti oħra. L-Artikolu 8 jipprovdi lista ċara u eżawrjenti tal-informazzjoni li għandu jkun fih il-KID, filwaqt li fil-lista jiżdiedu l-ispejjeż reali li l-investituri fil-livell ta’ konsumatur iridu jħallsu.

4.5

Madankollu, din l-għażla ma xxejjinx il-bżonn li tkompli tiġi żviluppata l-edukazzjoni finanzjarja (5) fl-iskejjel, fl-attivitajiet tal-kurrikulu, fl-edukazzjoni informali, fost l-anzjani u n-nisa tad-dar. Dawk partikolarment vulnerabbli fost min ifaddal mhux dejjem ikollhom l-għarfien bażiku neċessarju biex jifhmu fid-dettall il-KIDs, anke meta dawn ikunu semplifikati. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tenfasizza, possibbilment fil-premessi l-ġodda tar-Regolament propost, il-bżonn li jissoktaw l-isforzi biex tingħata edukazzjoni finanzjarja bażika lil kulħadd.

4.6

Il-KESE japprezza dan l-ewwel tentattiv ta’ trasparenza rigward l-ispejjeż, il-profil tar-riskju u l-informazzjoni dwar ir-rendiment tal-passat tal-prodott inkwistjoni jew ta’ prodotti li jistgħu jitqiesu bħala simili.

4.7

L-obbligu li l-KID jingħata f’ħin opportun biex l-investitur fuq livell ta’ konsumatur ikun informat u konxju għalkollox tar-riskji marbutin huwa indispensabbli sabiex ir-Regolament propost ikun effettiv. Il-KESE jinnota li ma jingħatax żmien speċifiku għal meta jiġi pprovdut id-dokument. Il-frażi “f’biżżejjed żmien qabel il-konklużjoni tat-tranżazzjoni relatata mal-prodott ta’ investiment” ma tidhirx li hi adegwata biex tiggarantixxi li l-investitur fuq livell ta’ konsumatur ikollu l-informazzjoni siewja kollha. Il-KESE huwa kontra li jiġu previsti derogi għall-għoti tal-KID, b’mod partikolari fir-rigward tax-xiri mill-bogħod.

4.8

Il-KESE jemmen li t-test tar-Regolament għandu jagħmel referenza għall-possibbiltà ta’ rtirar f’każ ta’ tranżazzjoni mill-bogħod, hekk kif inhu previst għat-tranżazzjonijiet finanzjarji.

4.9

Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li tiġi adottata data raġonevoli li tiddaħħal direttament fit-test tar-Regolament, minflok ma titħalla għad-diskrezzjoni tal-atti delegati segwenti li jħallu lill-industrija finanzjarja fl-inċertezza rigward l-applikazzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 5, id-dokument għandu jitfassal u jiġi ppubblikat fuq l-internet qabel il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. M’hemm l-ebda raġuni għaliex ma jiġix definit terminu perentorju minn issa, li jekk ma jiġix rispettat ikun ifisser li ma ġewx rispettati b’mod effettiv l-għanijiet u l-obbligi tar-Regolament. Perjodu ta’ mill-inqas ġimgħa qabel tkun tista’ tiġi konkluża t-tranżazzjoni, pereżempju, jidher li hu wieħed raġonevoli. B’hekk tkun tista’ tinsab l-informazzjoni meħtieġa kollha u jintalbu pariri u spjegazzjonijiet. L-investitur ikun protett b’mod suffiċjenti u jkollu ż-żmien biex iqabbel il-proposti ta’ akkwist li jkunu f’kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-KESE ma jaqbilx mal-użu ta’ atti delegati, li għandhom ikunu limitati ħafna u jirrispettaw il-forma u s-sustanza tal-Artikolu 290 tat-TFUE, jiġifieri jintużaw għal elementi mhux essenzjali meta strumenti oħra ma jkunux possibbli.

4.10

Il-KESE jaqbel mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 9 dwar il-bżonn li l-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni jinżammu separati mid-dokument bit-tagħrif ewlieni, u li dawn il-komunikazzjonijiet ma jikkontradixxux il-kontenut tal-KIDs. Bosta drabi l-prodotti tossiċi ġew pubbliċizzati bħala siguri, u dan ġie appoġġjat mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li tant kienu bravi li tawhom il-klassifikazzjoni AAA b’idejhom miftuħin beraħ. Min jaf għaliex dawn il-prodotti spiċċaw f’idejn il-faddala Ewropej?

4.11

Il-Kummissjoni daħħlet dispożizzjonijiet dwar l-ilmenti, ir-rimedju u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-Kapitolu III, u dwar is-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi fil-Kapitolu IV. Il-KESE, minkejja l-kummenti ġenerali preċedenti, jemmen li huwa pożittiv ħafna li jiġu definiti fid-dettall proċeduri, metodi u kundizzjonijiet sabiex jinsabu soluzzjonijiet mhux legali għat-tilwim dwar investimenti fil-prodotti finanzjarji minn investituri fil-livell ta’ konsumatur.

4.11.1

Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti hija assolutament indispensabbli fil-fehma tal-KESE, li f’diversi opinjonijiet preċedenti diġà talab mhux biss rakkomandazzjonijiet iżda wkoll regoli li jobbligaw lill-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu l-akbar kooperazzjoni possibbli li jippermettulhom il-leġislazzjonijiet u l-proċeduri nazzjonali. F’każ ta’ kontradizzjoni ċara, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà r-regoli nazzjonali konfliġġenti għandhom jiġu ddikjarati nulli u bla effett.

4.12

Fil-fehma tal-KESE, anke l-Artikolu 22 fih frażi li tista’ toħloq tilwim fil-futur. Ħdejn il-kastig li jiġu ppubblikati t-tip ta’ ksur u l-identità ta’ dawk responsabbli, li l-KESE jaqbel magħhom, jingħad “sakemm din id-divulgazzjoni ma tipperikolax b’mod serju s-swieq finanzjarji”. Ma jiġix iċċarat min għandu jevalwa r-riskju serju: il-Kummissjoni? L-awtoritajiet nazzjonali? L-awtoritajiet superviżorji Ewropej? Barra minn hekk, ma jingħad xejn ukoll dwar meta l-obbligi previsti fir-Regolament jinkisru f’aktar minn Stat Membru wieħed fl-istess ħin. Min jiddeċiedi? X’jiġri jekk għal awtorità waħda d-divulgazzjoni ma tipperikolax is-swieq finanzjarji, u għal oħra iva? Xi proċedura għandha tiġi adottata? Dawn il-mistoqsijiet kollha għandhom jiġu solvuti qabel ma joħroġ ir-Regolament, li min-natura tiegħu stess irid ikun sempliċi, ċar, japplika minnufih u fil-formulazzjoni tiegħu għandu jevita r-riskju ta’ tilwim inutli li jkun ta’ ħsara għall-interessi Ewropej.

4.13

Il-Kummissjoni qed tkompli toħroġ proposti li fihom bosta atti delegati. Il-KESE kemm-il darba qajjem il-kwistjoni dwar il-leġittimità ta’ dawn il-prattiki, dwar il-bżonn reali tagħhom, dwar il-konsistenza tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 290 tat-TFUE għall-atti delegati u tal-Artikolu tat-TFUE għall-atti ta’ implimentazzjoni. F’dan il-każ il-KESE wkoll jemmen li l-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet li jikkonċernaw elementi essenzjali tar-regolamentazzjoni. Pereżempju, l-Artikolu 8(2) huwa dwar id-dettalji tal-preżentazzjoni u l-kontenut ta’ kull wieħed mill-elementi tal-informazzjoni ewlenija li trid tiddaħħal fid-dokumenti, tal-kontenut addizzjonali possibbli u tal-format komuni – prattikament 90 % tar-regolamentazzjoni. Id-delega mitluba fl-Artikolu 10(2) tikkonċerna l-kontenut u l-modalitajiet tal-analiżi tal-informazzjoni u r-reviżjonijiet possibbli. Fl-aħħar nett, id-delega mitluba fl-Artikolu 12(4) tikkonċerna l-kundizzjonijiet biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit li jiġi pprovdut id-dokument u l-metodu flimkien mal-limitu ta’ żmien biex jiġi pprovdut id-dokument, li diġà ġiet kkritikata f’din l-Opinjoni.

4.14

Il-KESE jistaqsi jekk dawn fil-verità humiex meħtieġa u jekk jaqblux mal-loġika tar-Regolament li qed jiġi analizzat f’din l-Opinjoni. Filwaqt li l-KESE jifhem li l-atti delegati jistgħu jiġu ġestiti b’mod ħafna aktar faċli, huma għandhom iżommu strettament mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni rilevanti (6) jingħad li: “[l]-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hekk kif irriżulta mit-Trattat iffirmat f’Liżbona fit-13 ta’ Diċembru 2007 (minn hawn ’il quddiem, “it-Trattat il-Ġdid”), jippermetti lil-leġiżlatur jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissumplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv”.

4.15

Fil-fehma tal-KESE, għall-kuntrarju ta’ dan, il-proposti għal atti delegati mressqin mill-Kummissjoni jikkonċernaw elementi essenzjali tal-att leġislattiv!

4.16

Fl-aħħar nett, il-KESE ma jaqbilx mal-għażla li l-leġislazzjoni rigward ir-rekwiżiti dwar id-divulgazzjoni għall-UCITS ma tinbidilx għall-ħames snin li ġejjin, u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tipprevedi reviżjoni fi żmien sentejn minn meta jiġi adottat ir-Regolament preżenti sabiex jiġu armonizzati malajr kemm jista’ jkun id-dokumenti ewlenin għal dawk li jinvestu fi prodotti finanzjarji ta’ kull tip.

Brusell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 93 u ĠU C 181, 21.6.2012, p. 99.

(2)  ĠU L 302, 17.11 2009, p. 32.

(3)  ĠU C 151, 17.6 2008, p. 1.

(4)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 24.

(5)  ĠU C 318, 29.10.2011, p. 24.

(6)  COM(2009) 673 final tad-9 ta’ Diċembru 2009.


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi”

COM(2012) 173 final

2013/C 11/14

Relatur: is-Sinjura BISCHOFF

Nhar it-18 ta’ April 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi

COM(2012) 173 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ottubru 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-15 ta’ Novembru 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’204 voti favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

S’issa l-Ewropa għadu ma rnexxilhiex tegħleb il-kriżi, u għalhekk il-qasma fl-Ewropa qed tikber. Ħafna pajjiżi milqutin mill-kriżi qed jesperjenzaw żieda qawwija fil-qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ. Il-politika Ewropea dwar l-impjiegi għandha tagħti konkribut akbar biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-problemi tagħhom. Issa aktar minn qatt qabel, hi għandha titqies bħala parti mis-soluzzjoni sabiex negħlbu l-kriżi flimkien b’mod solidali u l-Ewropa ssir stabbli.

1.2

Għalhekk, il-KESE jemmen li huwa kruċjali li l-politika dwar l-impjiegi tiġi akkumpanjata mill-iżvilupp tal-infrastruttura Ewropea u t-tkabbir kwalitattiv. Jinħtieġ investiment enormi sabiex jinħolqu l-impjiegi. F’dan ir-rigward għandhom jiġu mobilizzati minnufih sew l-investimenti privati u sew dawk pubbliċi u għandhom isiru wkoll xi riformi.

1.3

Bis-saħħa ta’ politika dwar l-impjiegi solidali u effettiva jista’ jifforma suq tax-xogħol Ewropew u tintrebaħ lura l-kredibbiltà. Element ċentrali għal dan il-għan hu, fost affarijiet oħra, l-implimentazzjoni mingħajr dewmien u l-iżvilupp obbligatorju tal-garanzija għaż-żgħażagħ. Barra minn hekk, f’xi pajjiżi milqutin mill-kriżi qed jinbet l-interess fl-introduzzjoni ta’ sistema edukattiva fuq żewġ binarji. Il-Kummissjoni għandha tappoġġja dan l-interess, u għandha tippermetti l-finanzjamenti inizjali u tibda l-iskambji tal-prattiki tajbin. Jekk ma jirnexxilniex nagħtu prospetti liż-żgħażagħ, speċjalment fil-pajjiżi milqutin mill-kriżi, hemm ir-riskju li tiżviluppa “ġenerazzjoni mitlufa” u b’hekk tinħoloq splużjoni soċjali u politika enormi. Il-KESE jappella għal soluzzjonijiet solidali, bħall-Fond għall-Globalizzazzjoni.

1.4

L-ewwel pass importanti huwa l-iżvilupp adegwat tal-garanzija għaż-żgħażagħ, però l-problemi strutturali eżistenti jridu jiġu indirizzati b’mod urġenti.

L-għan li jinħoloq numru kbir ta’ impjiegi jiddependi mir-restrizzjonijiet marbutin:

mal-provvista tax-xogħol, billi jiġi sfruttat il-potenzjal tax-xogħol tal-persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil permezz ta’ swieq tax-xogħol inklużivi;

mad-domanda għax-xogħol, li hi possibbli fuq kollox fis-setturi li qed jikbru u li jirrikjedu ħafna ħaddiema, bħall-ekonomija tal-anzjani (“silver economy”).

1.5

Il-politika dwar l-impjiegi ma tistax tikkumpensa għall-governanza politika ħażina fil-qasam makroekonomiku, iżda tista’ tikkontribwixxi bil-kbir biex fis-soċjetajiet ibbażati fuq l-għarfien tiżdied il-kompetittività permezz tat-tisħiħ tal-kapaċità għall-innovazzjoni u permezz ta’ bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda tal-kwalifiki. Barra minn hekk, jeħtieġ li l-aċċess tal-intrapriżi Ewropej, speċjalment tal-SMEs, għall-kapital ta’ riskju jittejjeb minnufih u li titneħħa l-burokrazija żejda.

1.6

Huwa importanti li r-rwol partikolari tal-imsieħba soċjali jiġi kkunsidrat fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi u għandu jissaħħaħ fil-qafas tal-governanza ġdida.

2.   Il-politika Ewropea dwar l-impjiegi fi żminijiet ta’ kriżi

2.1

Nhar it-18 ta’ April 2012, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni bit-titolu “Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” flimkien ma’ disa’ dokumenti ta’ akkumpanjament. Il-Komunikazzjoni tipproponi miżuri ta’ appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi, għar-riforma tas-swieq tax-xogħol u għat-tisħiħ tal-governanza tal-UE.

2.2

Il-Kummissjoni tappella għal “irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” fi żmien meta minħabba d-diversi kriżijiet (kriżi finanzjarja, kriżi ekonomika, kriżi soċjali, kriżi tal-euro, kriżi tad-dejn, kriżi tal-fiduċja) intilfu ħafna u ħafna impjiegi f’bosta pajjiżi, u dan jikkomprometti l-ħajja ta’ kuljum tan-nies għaliex ikunu tilfu xogħolhom, ma jkunux jistgħu jsibu xogħol ieħor jew għax ikollhom joqogħdu għat-tnaqqis fil-pagi u/jew għax is-servizzi soċjali qed jitnaqqsu jew jitneħħew.

2.3

Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tittratta l-konsegwenzi tal-kriżi fuq il-politika dwar l-impjiegi u tappella għal irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi. Dan però qed isir tard wisq għaliex il-konsegwenzi tal-kriżi qed jiggravaw, l-aktar minħabba li fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar il-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro l-gvernijiet ta’ kważi l-Istati Membri kollha tal-UE qed jippruvaw inaqqsu d-defiċit baġitarju permezz ta’ tnaqqis kultant delikat fin-nefqa pubblika, b’mod partikolari fin-nefqa soċjali u fin-nefqa għas-servizzi pubbliċi. Madankollu, din il-politika tillimita l-opportunitajiet offruti fis-suq tax-xogħol, l-aktar għal dawk li diġà kienu jagħmlu parti minn xi grupp ta’ persuni żvantaġġati (1). Il-miżuri ta’ awsterità jolqtu l-aktar lil dawk li jiddependu mit-trasferimenti soċjali tal-Istat, fosthom dawk li għandhom impjieg prekarju u gruppi żvantaġġati oħrajn fis-suq tax-xogħol. Għaldaqstant, għandu jinżamm u jissaħħaħ ir-rwol li jaqdu s-sistemi tas-sigurtà soċjali bbażati fuq is-solidarjetà bħala stabbilizzaturi, sabiex dawn jibqgħu effettivi u sostenibbli b’mod partikolari fir-rigward tal-aktar gruppi milquta u żvantaġġati fis-suq tax-xogħol.

2.4

Il-KESE talab minn kmieni li jsiru sforzi speċjali sabiex jiġi indirizzat il-qgħad li qed jiżdied b’rata inkwetanti; ma jistax ikun inkomplu sejrin qisu xejn mhu xejn. Il-politika dwar is-suq tax-xogħol tista’ u għandha tappoġġja l-proċess tal-ħolqien tal-impjiegi. Però dan jirrikjedi ekonomija stabbli. Huwa laqa’ l-pjan ta’ rkupru ekonomiku adottat fl-2008, iżda kkritika li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien limitat wisq (2).

2.5

Iċ-ċifri attwali tas-suq tax-xogħol huma allarmanti, u fil-pajjiżi milqutin mill-kriżi t-tendenza negattiva fis-suq tax-xogħol qed tissokta mingħajr waqfien. F’Awwissu r-rata tal-qgħad fl-Ewropa kienet ta’ 10,5 % (11,4 % fiż-żona tal-euro), l-ogħla li qatt kienet. Il-qgħad qed jiżdied f’żewġ terzi tal-Istati Membri, b’żieda partikolarment qawwija fi Spanja (25,1 %), il-Portugall (15,9 %) u l-Greċja (24,2 %) (3). 25,46 miljun persuna jinsabu mingħajr impjieg. Aspett partikolarment negattiv hu li l-qgħad fit-tul żdied ukoll, u jidher ċar li dan il-fenomenu qed ikompli jiggrava. Aktar minn 40 % tal-persuni qiegħda kollha diġà ilhom ’il fuq minn sena jfittxu xogħol (4). Huwa partikolarment preokkupanti l-fatt li r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha għolja ħafna fl-UE. Din ir-rata hi ta’ aktar minn 22 %, però jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Fi Spanja u l-Greċja din ir-rata hi ta’ aktar minn 50 %, u f’xi Stati Membri (il-Portugall, is-Slovakkja, il-Bulgarija, l-Italja, l-Irlanda) hi ta’ madwar 30 %. Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija ta’ inqas minn 10 % fi tliet Stat Membri biss (il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Pajjiżi l-Baxxi) (5).

2.6

Il-politika dwar it-tkabbir u l-politika dwar l-impjiegi ma jistgħux jiġu kkunsidrati b’mod iżolat minn xulxin. Għaldaqstant, il-Kumitat kemm-il darba talab li jkun hemm pjan Ewropew ta’ rkupru ekonomiku b’impatt konsiderevoli fuq il-politika dwar is-suq tax-xogħol li jilħaq it-2 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG). Il-ħolqien tal-intrapriżi u l-ispirtu intraprenditorjali għandhom jiġu promossi wkoll fis-soċjetà kollha, b’mod partikolari fis-sistemi edukattivi u fl-iskemi ta’ taħriġ. Flimkien mal-investimenti nazzjonali addizzjonali implimentati b’mod ikkoordinat sabiex iżidu l-impatt fuq l-impjieg, jeħtieġ li jiġu identifikati wkoll proġetti Ewropej ta’ investiment. Fil-“Patt għat-Tkabbir u l-Impjieg” adottat fis-summit tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012 saru l-ewwel passi li issa jridu jitlaħħmu bil-kontenut sabiex fl-Ewropa jinħoloq il-marġni ta’ manuvrar tant meħtieġ għat-tkabbir sostenibbli u l-impjieg. Għandha titpoġġa enfasi partikolari fuq l-assikurazzjoni tat-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fil-proċessi ta’ ristrutturar.

3.   Kundizzjonijiet qafas għall-politika Ewropea dwar l-impjiegi

3.1

Għalhekk, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-prospetti li jiżdiedu l-impjiegi jiddependu bil-kbir mill-kapaċità tal-UE li tiġġenera tkabbir ekonomiku permezz ta’ politiki fil-qasam makroekonomiku, industrijali u tal-innovazzjoni, u li tikkompleta dan it-tkabbir permezz ta’ politika dwar l-impjiegi li tiffoka fuq irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi. Il-KESE huwa mħasseb li ħafna mill-proposti pożittivi tal-Pakkett dwar l-Impjiegi ma jistgħux jiġu implimentati jekk l-UE tissokta mingħajr waqfien bil-politika ta’ awsterità tagħha. Barra minn hekk, il-KESE jibża’ li bil-miżuri proposti biss mhux ser ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija tal-UE dwar l-impjiegi. Fi Frar 2012 hu kien diġà fakkar li jinħtieġ patt ta’ investiment soċjali sabiex tingħeleb il-kriżi b’mod permanenti u jsiru investimenti fil-futur (6). B’rabta ma’ dan, il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, bil-Pakkett dwar l-Impjiegi, tfakkar li skont l-Artikolu 3 tat-Trattat l-UE għandha l-obbligu li timmira għal livell massimu ta’ impjiegi u għall-koeżjoni soċjali.

4.   Proposti għat-tisħiħ tal-istrateġija Ewropea dwar l-impjiegi

4.1   Noħolqu l-prospetti għaż-żgħażagħ

4.1.1

Fir-rapport tagħha dwar it-tendenzi dinjija tal-impjieg fost iż-żgħażagħ fl-2012 (“Global Employment Trends for Youth 2012”), f’Mejju tal-2012 l-ILO wissiet kontra r-riskju li tiżviluppa “ġenerazzjoni mitlufa”. Għalhekk, il-gvernijiet għandhom jagħtu l-ogħla prijorità lil politika attiva dwar is-suq tax-xogħol u dwar l-impjiegi għaż-żgħażagħ. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jilqa’ l-pjan li titwettaq b’mod konkret il-garanzija għaż-żgħażagħ. Madankollu, dan ma jistax jinkiseb permezz tar-riżorsi li għandhom ma ntużawx mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) biss. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-pajjiżi b’diffikultajiet partikolari jiġu appoġġjati għal xi żmien, għaliex sikwit huma ma jkollhomx ir-riżorsi finanzjarji għall-politika attiva meħtieġa dwar l-impjiegi, speċjalment għall-implimentazzjoni vinkolanti tal-garanzija għaż-żgħażagħ. Jekk dan ma jistax isir permezz tar-riżorsi tal-FSE biss, il-finanzjament għandu jsir permezz ta’ riżorsi Ewropej oħra (Fond ta’ Solidarjetà taż-Żgħażagħ). Għall-banek setgħu jintużaw biljuni ta’ flus, għalhekk għandu jkun possibbli li dawn ir-riżorsi jiġu mobilizzati wkoll, pereżempju permezz tal-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, li l-Kumitat ilu żmien twil jaħdem favuriha.

4.1.2

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) analizzat il-punti pożittivi u d-dgħufijiet tal-garanziji għaż-żgħażagħ (7). Dawn huma miżura importanti li tista’ tiġi applikata malajr sabiex tiġi evitata l-esklużjoni taż-żgħażagħ. Madankollu, l-effett tagħhom huwa iżgħar fil-każ ta’ ċerti gruppi mmirati, bħal dawk li huma diffiċli biex wieħed jgħinhom (jiġifieri l-“hard to help”). Barra minn hekk, huma ma jsolvux il-problemi strutturali (bħan-nuqqas ta’ sistemi tal-edukazzjoni jew tat-taħriġ vokazzjonali).

4.1.3

Iż-żmien meta jsir l-intervent huwa kruċjali wkoll. Il-KESE jemmen li intervent wara tliet xhur huwa tard wisq; l-aħjar hu li l-garanzija għaż-żgħażagħ tibda tapplika malajr kemm jista’ jkun, jiġifieri hekk kif iż-żgħażagħ jirreġistraw mal-aġenziji tal-impjieg, għaliex jekk it-tranżizzjoni ma tirnexxix, dan ikun ta’ ħsara għall-ekonomija u jħalli marki ta’ ħsara għall-ħajja kollha. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-garanziji għaż-żgħażagħ jinkludu wkoll lill-adulti żgħażagħ ta’ bejn 25 u 29 sena. Fil-qafas tal-Pjani Nazzjonali ta’ Riforma għandhom jitfasslu miżuri konkreti f’dan ir-rigward. Għal dan il-għan, ħafna Stati Membri ser ikollhom iżidu l-appoġġ speċifiku mogħti mill-korpi pubbliċi tal-impjieg, fejn għandha tingħata aktar attenzjoni lill-gruppi żvantaġġati.

4.1.4

Huwa importanti li jingħalaq id-distakk bejn il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni u dak li jkunu qed jistennew iż-żgħażagħ. Mod wieħed kif jinkiseb dan hu billi jingħataw inċentivi u appoġġ għall-iżvilupp ta’ skemi ta’ apprentistati ta’ kwalità għolja. Il-Kumitat jemmen li hu importanti li l-imsieħba soċjali fl-Istati Membri jiġu involuti mill-qrib fl-iżvilupp ta’ dawn l-iskemi. Il-KESE jappella biex jittejjeb l-iskambju tal-esperjenzi u biex l-FSE jappoġġja l-iskemi ta’ apprentistati. Jeħtieġ li jiġu promossi l-iskambju tal-prattiki tajba, il-finanzjamenti inizjali u l-iżvilupp ta’ qafas ta’ kwalità għat-taħriġ fuq żewġ binarji. L-applikazzjoni tal-proposta għal Qafas ta’ Kwalità għall-Iskemi ta’ Taħriġ għandha tinkludi xi inċentivi.

4.2   Il-kwalifiki jtejbu l-kompetittività u joħolqu prospetti ġodda

4.2.1

Hemm bżonn ta’ bilanċ bejn il-kwalifiki sempliċi, vokazzjonali u akkademiċi. Dan għaliex l-iżvilupp fit-tul u pożittiv tal-impjiegi ma jistax ikun ibbażat biss fuq il-kwalifiki akkademiċi tal-edukazzjoni terzjarja. Minbarra l-kwalifiki formali għoljin, huwa kruċjali wkoll li jinkisbu ħiliet konoxxittivi u universali. Fil-futur ser ikun hemm bżonn aktar ħiliet trasversali u komunikattivi. Il-KESE jappoġġja l-isforzi maħsuba biex jiżguraw ir-rikonoxximent aħjar tal-kwalifiki bis-saħħa tal-validazzjoni tal-ħiliet miksubin lil hinn mis-sistemi tal-edukazzjoni formali, speċjalment fid-dawl tal-proposta reċenti għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (8). Jeħtieġ li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki fil-livell nazzjonali.

4.3   Il-kwalità tal-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol

4.3.1

Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ma tindirizzax biss in-naħa tal-provvista iżda tiffoka aktar mill-qrib ukoll fuq id-domanda fis-suq tax-xogħol. L-intrapriżi tal-Ewropa huma atturi ċentrali sabiex tingħeleb il-kriżi fis-suq tax-xogħol. Fil-passat, ir-rata ta’ reklutaġġ tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju b’mod partikolari kienet waħda pożittiva. Għaldaqstant, huwa essenzjali li jittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-kapital u li l-ispejjeż biex jinbeda negozju jitnaqqsu b’25 %. Qed isiru sforzi kontinwi biex jonqos il-piż amministrattiv li jridu jerfgħu l-kumpaniji. Skont il-Kummissjoni Ewropea, dan ser ikollu impatt ekonomiku sinifikattiv fuq l-ekonomija tal-UE: il-PDG jiżdied b’mal-1,5 % jew madwar EUR 150 biljun, mingħajr ma tonqos il-protezzjoni tal-impjegati fl-istess ħin. Anke l-intrapriżi soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impjiegi, kif enfasizza kemm-il darba l-KESE fl-opinjonijiet tiegħu (9). Barra minn hekk, dan l-aħħar f’opinjoni fuq inizjattiva proprja tas-CCMI (10) ntqal li l-kooperattivi, speċjalment il-kooperattivi tal-ħaddiema, jiggarantixxu aktar impjiegi anke fi żminijiet ta’ kriżi, għaliex huma jnaqqsu l-profitti tagħhom biex jipproteġu l-impjiegi.

4.3.2

Il-kompetittività għat-tul f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien teħtieġ investimenti adegwati fil-kwalifiki tal-ħaddiema. Sabiex tiġi stimolata d-domanda, is-sussidji tal-pagi u l-“in-work benefits” jistgħu jkunu wkoll miżuri utli għal ċerti gruppi mmirati (bħall-persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil).

4.3.3

Il-KESE jilqa’ l-proposta dwar l-“aġenziji tal-ġestjoni tat-tranżizzjoni”. Però, proprju għaliex in-numru ta’ persuni qiegħda fit-tul qed jiżdied, dawn m’għandhomx ikunu limitati għas-servizzi ta’ tiftix ta’ impjieg. Hemm bżonn li joffru firxa wiesgħa ta’ servizzi sabiex jitneħħew l-ostakli għall-impjieg u sabiex in-nies (jerġgħu) jidħlu malajr fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari fil-livell lokali, pereżempju permezz ta’ taħriġ kontinwu u avvanzat. L-għan tal-istrateġija tal-“inklużjoni attiva” li stabbiliet il-Kummissjoni f’Ottubru 2008 (11) mhux biss li tiggarantixxi d-dħul u tippromovi s-swieq tax-xogħol inklużivi, iżda wkoll li tagħti aċċess għas-servizzi li jipprovdu għajnuna kwalitattiva speċifika sabiex l-individwu jsib impjieg skont ix-xewqat u l-ħiliet tiegħu. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ strateġija tas-suq tax-xogħol iffokata fuq l-individwu, jeħtieġ li s-servizzi msemmijin jingħaqdu f’netwerk u li jibdew jingħataw servizzi integrati. Dan għandu jiġi appoġġjat permezz tat-tisħiħ tal-prinċipju tas-sħubija fil-qafas tal-FSE, fost affarijiet oħrajn.

4.3.4

L-istaġnar tad-domanda għax-xogħol minħabba l-kriżi kontinwa qed iwassal għal żieda fil-qgħad fit-tul u dan qed iġib miegħu diffikultajiet serji fl-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, u b’hekk anke żieda fil-faqar minħabba li jintilef il-kuntatt mas-suq tax-xogħol. Il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex joqogħdu partikolarment attenti li joħolqu suq tax-xogħol intermedju inklużiv fejn ir-riżorsi pubbliċi jintużaw għall-ħolqien ta’ numru adatt ta’ impjiegi adegwati, u b’hekk il-qiegħda fit-tul ikunu jistgħu jżommu l-kuntatt tagħhom mad-dinja tax-xogħol u jtejbu l-għarfien tagħhom. B’dan il-mod jiġi evitat li jiżdied il-faqar minħabba li jintilef il-kuntatt mas-suq tax-xogħol, u dawn il-ħaddiema jkollhom tranżizzjoni mingħajr diffikultà fis-suq tax-xogħol miftuħ wara li tgħaddi l-kriżi.

4.3.5

Fit-tul, l-għan hu li jiġi żviluppat suq tax-xogħol Ewropew. Il-KESE jilqa’ l-proposti biex jitneħħew l-ostakli għall-moviment ħieles tal-ħaddiema. B’mod ġenerali, il-kundizzjonijiet qafas għall-mobilità ġusta jridu jittejbu (12). Però l-mobilità m’għandhiex twassal għad-depopolazzjoni ta’ xi reġjuni. Minflok dan, ir-reġjuni aktar foqra għandhom jiġu megħjuna jirkupraw permezz tal-qsim solidali tar-riskji.

4.4   Flessibbiltà u sigurtà

4.4.1

Il-Kumitat diġà esprima l-fehma tiegħu kemm-il darba dwar il-flessigurtà. Huwa jilqa’ l-fatt li l-esperjenzi fl-indirizzar tal-kriżi wasslu għall-estensjoni tal-approċċ tal-flessigurtà. It-titjib tal-flessibbiltà interna s’issa ma ngħatax l-attenzjoni meħtieġa fil-qafas tad-dibattiti dwar il-flessigurtà. L-impjiegi għal żmien fiss u l-impjiegi temporanji jistgħu joffru tranżizzjonijiet f’qasir żmien u kultant jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni ta’ gruppi partikolarment żvantaġġati fis-suq tax-xogħol għall-ewwel darba. L-inċertezza tal-impjiegi marbuta ma’ dan għandha tkun tranżitorja u trid tiġi koperta mis-sigurtà soċjali. Il-KESE jopponi l-proposti msemmijin b’mod indirett fil-Komunikazzjoni għal “kuntratt tax-xogħol uniformi”. Minflok dan, huwa jirrakkomanda li jiġi miġġieled b’aktar saħħa l-impjieg prekarju u li jitressqu proposti dwar kif il-kundizzjonijiet tax-xogħol jistgħu jerġgħu lura għan-normal.

4.5   Il-promozzjoni tad-domanda u d-distribuzzjoni ġusta

4.5.1

Mil-lat makroekonomiku għandu jiġi żgurat li jkun hemm bilanċ bejn it-tkabbir suffiċjenti fid-domanda u l-kompetittività tal-prezzijiet (13). Dawn il-kwistjonijiet diġà qed jiġu diskussi fid-djalogu makroekonomiku, kemm f’livell tekniku kif ukoll f’livell politiku. F’dan il-kuntest, kif tirrimarka l-Kummissjoni f’paġna 24, għandha tinżamm u tiġi rispettata l-awtonomija tal-imsieħba soċjali b’konformità stretta mal-Artikolu 153(5) tat-TFUE. Il-Kumitat huwa kontra l-proposta li jitwaqqaf kumitat tripartitiku ġdid dwar il-pagi fil-livell Ewropew. Minflok dan, huwa jirrakkomanda li, fejn ikun hemm bżonn, jiġu riformati u msaħħa l-istrutturi eżistenti – is-summit soċjali tripartitiku u l-kumitat għad-djalogu makroekonomiku u d-djalogu soċjali – biex jiġi żgurat l-involviment effettiv u bbilanċjat tal-imsieħba soċjali, il-ministri tax-xogħol u tal-affarijiet soċjali u tal-ministri tal-finanzi u tal-ekonomija.

4.5.2

Il-Kumitat jilqa’ li l-Kummissjoni tittratta l-kwistjoni tal-pagi minimi u l-kwalità deċenti tal-impjiegi. Il-pagi minimi għandhom rwol importanti biex jevitaw id-dumping tal-pagi, b’mod partikolari meta l-ftehimiet kollettivi ma jipprevedu l-ebda limitu minimu għall-pagi. Madankollu, il-Kumitat huwa kontra li l-pagi minimi jitqiesu daqslikieku huma remunerazzjoni deċenti. Mhux kull paga minima tirrappreżenta fiha nnifisha remunerazzjoni deċenti; huma biss il-pagi minimi adegwati li jiżguraw ukoll pensjonijiet adegwati. Fil-prinċipju, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kumplessità tas-sistemi nazzjonali differenti għall-kalkolu tal-pagi.

4.5.3

Il-KESE ilu li stqarr li hu favur l-estensjoni tal-bażi tat-taxxa għall-finanzjament tas-sistema tas-sigurtà soċjali. Punt pożittiv f’dan ir-rigward hu li fil-Pakkett dwar l-Impjiegi l-Kummissjoni titkellem dwar l-aġġustament tat-tassazzjoni fuq l-ambjent, il-konsum jew l-assi, bil-għan li l-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol jonqos mingħajr l-ebda konsegwenza fuq il-baġit. Sabiex jiġu kkonsolidati l-baġits u tissaħħaħ il-vijabbiltà tas-soċjetà u tal-ekonomija permezz ta’ politika adegwata dwar l-impjiegi u l-kwalifiki, m’għandhiex titqies biss in-nefqa iżda jeħtieġ ukoll li d-dħul jittejjeb u jintuża b’mod aktar effiċjenti.

4.6   Proposti dwar il-governanza ġdida

4.6.1

Il-proposti dwar il-governanza l-ġdida jsawru l-qalba tal-Komunikazzjoni. Hawnhekk il-Kummissjoni tressaq punti essenzjali ġodda u tippreżenta proposti fuq kif il-politika dwar l-impjiegi tista’ ssir aktar importanti u dinamika fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Dan jintlaqa’ tajjeb ħafna mill-Kumitat, billi l-politika dwar l-impjiegi diġà tilfet mill-importanza tagħha fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-term tal-Istrateġija ta’ Lisbona, fl-għanijiet għall-2020 u fil-governanza l-ġdida fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Għalhekk, il-KESE jitlob li ssir evalwazzjoni mingħajr dewmien tas-Semestru Ewropew u li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jiġu involuti aktar u minn qabel.

4.6.2

Filwaqt li s-Semestru Ewropew ikopri perjodu qasir, l-għanijiet tal-politika dwar l-impjiegi huma stabbiliti f’perspettiva medja ta’ żmien. Fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill iddeċieda li l-linji gwida dwar l-impjiegi ma jinbidlux sal-2014. Fl-2011, il-KESE kkritika li l-linji gwida tal-2010:

ma jirriflettux biżżejjed il-ħtieġa li l-ġlieda kontra l-qgħad tingħata l-ogħla prijorità;

idgħajfu b’mod sostanzjali l-approċċ Ewropew;

ma jinkludux għanijiet miżurabbli tal-UE mmirati lejn gruppi partikolari;

ma jinkludu l-ebda indikazzjoni konkreta rigward il-kwalità tal-impjiegi (14).

4.6.3

Il-Kumitat jilqa’ l-proposti li jkun hemm sistema ta’ valutazzjoni komparattiva u tabella ta’ valutazzjoni tal-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali dwar l-impjiegi. L-imsieħba soċjali Ewropej għandhom jiġu involuti fit-tfassil tas-sistema ta’ valutazzjoni komparattiva u tal-kriterji għat-tabella ta’ valutazzjoni tal-progress. Barra minn hekk, huma għandhom jiġu kkonsultati wkoll fi stadju bikri tat-tħejjija tar-Rapport Annwali dwar it-Tkabbir b’rabta mad-definizzjoni tal-prijoritajiet strateġiċi ewlenin tal-politika dwar l-impjiegi kif ukoll b’rabta mat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-linji gwida dwar l-impjiegi. Fid-dawl tal-ħtieġa msemmija hawn fuq ta’ servizzi integrati u ffokati fuq l-individwu, huwa mixtieq li l-indikaturi jkun fihom komponent marbut mal-gruppi mmirati u għandhom jikkunsidraw il-kuntesti reġjonali.

4.6.4

Barra minn hekk, il-KESE jitlob li jkun hemm koordinazzjoni ġusta bejn l-evalwazzjoni komparattiva tal-politiki dwar l-impjiegi u l-proċedura ta’ tabella ta’ valutazzjoni f’każ ta’ żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi.

4.6.5

Il-Kumitat jappoġġja l-inizjattivi kollha tal-Pakkett dwar l-Impjiegi maħsubin biex l-isfidi, l-għanijiet u l-progress attwali tal-politika dwar l-impjiegi jerġgħu jsiru aktar viżibbli, vinkolanti u komprensibbli, u biex jinsab bilanċ aħjar bejn il-politika ekonomika, dik dwar l-impjiegi u dik soċjali. Barra minn hekk, il-miżuri għandhom jitfasslu b’tali mod li jappoġġjaw l-għanijiet tal-UE relatati mal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Punt ta’ kritika hu li l-Pakkett dwar l-Impjiegi ma jirriflettix biżżejjed il-promozzjoni tal-impjieg tan-nisa u ma jintegrax b’mod suffiċjenti l-perspettivi tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel li l-Kummissjoni tħeġġeġ bnadi oħra.

4.7   Proposti dwar il-prospetti li jiżdiedu l-impjiegi

4.7.1

Fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-Komunikazzjoni jingħad li l-“ekonomija ekoloġika” għandha potenzjal partikolari sabiex iżżid l-impjiegi. Madankollu, dan il-potenzjal jiddependi ħafna mil-leġislazzjoni tal-Istati Membri differenti dwar kif tiġi regolata l-imġiba ambjentali. Għall-kuntrarju ta’ oqsma oħra ta’ tkabbir, bħat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, it-tkabbir tal-ekonomija ekoloġika huwa aktar immexxi mill-interessi politiċi milli mill-interessi purament ekonomiċi peress li l-ammortament tal-investimenti f’dan is-settur jieħu aktar żmien. Għalhekk hemm bżonn ta’ inċentivi ċari fil-politika ambjentali. Barra minn hekk, dawn l-inċentivi għandhom jippermettu l-ippjanar fit-tul u jnaqqsu l-inċertezzi marbutin mal-possibbiltà li tinbidel il-politika ambjentali. Sabiex l-implimentazzjoni tirnexxi, hemm assolutament bżonn ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn il-politika ambjentali u dik ekonomika. Madankollu, din il-kooperazzjoni m’għandhiex titbiegħed mill-għanijiet li tkun maħsuba għalihom. F’dan il-kuntest, punt partikolarment kritiku hu li l-kunċett ta’ “impjieg ekoloġiku” ġie estiż għall-impjiegi ffinanzjati mit-taxxi ekoloġiċi (15). Abbażi ta’ definizzjoni bħal din, il-kontenut tal-attività ma jibqax jitqies bħala kriterju deċiżiv ta’ impjieg ekoloġiku, kunċett li għad irid jiġi definit (16).

4.7.2

Barra minn hekk, il-potenzjal tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika jiddependi mill-fluttwazzjonijiet ekonomiċi; is-setturi kkonċernati mhumiex stabbli. Għalhekk, il-bidla lejn ekonomija ekoloġika għall-bidu ser twassal għat-telf tal-impjiegi fl-industriji tradizzjonali. Dan it-telf tal-impjiegi għandu jittaffa b’tali mod li s-soċjetà tkun tiflaħ għalih u l-ħaddiema għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ kwalifiki ġodda skont il-ħiliet tagħhom biex jissaħħu l-possibbiltajiet tagħhom li jsibu xogħol. Ekonomija b’approċċ iktar ekoloġiku tista’ tistimola d-domanda għal impjigei bi kwalifiki għooljin, medji u baxxi, kif turi l-Kummissjoni Ewropea fid-dokument dwar it-tkabbir ekoloġiku (17). B’mod globali dan iwassal għal effetti ta’ sostituzzjoni; għalhekk il-Kumitat jiddubita kemm il-bilanċ tal-impjiegi huwa verament pożittiv kif qed tassumi l-Kummissjoni. Barra minn dan, ċerti setturi tat-teknoloġija ekoloġika jistgħu jikbru ħafna f’qasir żmien (pereżempju, l-industrija tal-bini), filwaqt li l-impjiegi fit-tul huma mistennija li jkunu fl-attivitajiet li jirrikjedu kwalifiki għoljin. Dawn il-ħaddiema wkoll għandhom bżonn ta’ sigurtà soċjali adegwata, u t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol għandhom jitfasslu b’mod sostenibbli.

4.7.3

Is-sostenibbiltà tal-potenzjal tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika tiġi influwenzata ħafna wkoll mill-istrutturi tal-kwalifiki. Studju dwar l-istrutturi tal-kwalifiki (18) f’disa’ Stati Membri tal-UE juri li ż-żieda tal-impjiegi f’dan il-qasam hija mistennija li tikkonċerna l-aktar il-pożizzjonijiet li jirrikjedu kwalifiki għoljin. Fl-istess ħin, s’issa t-taħriġ offrut f’dan il-qasam għadu frammentat ħafna. Sabiex jittejbu kemm jista’ jkun l-istrutturi tat-taħriġ relatat mal-impjiegi ekoloġiċi, jeħtieġ li l-imsieħba soċjali jikkoordinaw b’mod regolari mal-istituti li joffru t-taħriġ. Madankollu, il-politika ambjentali hija importanti immens ukoll għat-taħriġ fl-ekonomija ekoloġika, peress li hi tidderieġi d-domanda għall-kwalifiki. L-Ewropa, li għad m’għandhiex riċerka u żvilupp li jassoċjaw l-imħuħ u l-kapital ta’ riskju, għadu ma rnexxilhiex toħloq is-Silicon Valley tagħha. Però l-impjiegi industrijali jiddependu mill-manifattura tal-applikazzjonijiet. B’mod ġenerali, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tgħid xejn dwar l-ixprun magħmul mir-riċerka u l-iżvilupp. Wieħed mis-setturi li joffri l-opportunitajiet sew għall-intrapriżi tal-produzzjoni u sew għas-servizzi privati u s-servizzi ta’ interess ġenerali huwa s-settur tat-tixjiħ fi stat tajjeb – f’sens wiesa’ – bis-saħħa tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni sabiex l-anzjani (li daqt jilħqu t-30 % tas-soċjetajiet tagħna) jibqgħu attivi, konnessi, mobbli, inklużi, b’saħħithom u megħjunin (19). L-eżempju tal-Asja (iċ-Ċina u l-Ġappun) għandu jiġi kkunsidrat. Jekk jiġu rikonoxxuti u mħarsa b’mod rapidu d-drittijiet tal-utenti, jintrebaħ il-ħin u tiżdied ir-rata tal-impjieg.

4.7.4

F’opinjoni tiegħu (20) l-KESE diġà nnota li jekk sal-2020 jintlaħaq l-għan li 20 % tal-enerġija tkun enerġija rinnovabbli, dan ser ikollu effett nett ta’ madwar 410 000 impjieg addizzjonali u impuls tat-tkabbir ta’ 0,24 % fil-prestazzjoni ekonomika meta mqabbla mas-sitwazzjoni tal-2005.

4.7.5

Settur ieħor li l-Kummissjoni temmen li jistgħu jiżdiedu l-impjiegi fih huwa dak tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Dan huwa qasam eteroġenu ħafna li jinkludi mill-programmazzjoni purament teknika sal-konsulenza u s-servizzi li jingħataw lill-klijenti. Minħabba x-xejra teknika tiegħu u r-ritmu mgħaġġel tal-innovazzjoni fih, dan il-qasam jirrikjedi ħafna għarfien u b’hekk ipoġġi esiġenzi kbar fuq l-ħaddiema li jaħdmu fih. Għal din ir-raġuni kif ukoll minħabba li l-għarfien malajr ma jibqax rilevanti, il-politika dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u r-rieda tal-individwu li jitgħallem għandhom ukoll importanza kbira f’dan il-qasam. Bosta drabi l-ħaddiema jintalbu jkunu flessibbli ħafna kemm f’termini ta’ post kif ukoll ta’ ħinijiet tax-xogħol. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ strateġiji tal-persunal li jikkunsidraw il-fażijiet differenti tal-ħajja, sabiex il-ħaddiema jkunu marbutin mal-intrapriżi għal żmien twil. Barra minn hekk, sikwit ikun hemm riskju għoli ta’ mard u tensjoni mentali fost il-ħaddiema.

4.7.6

Fis-setturi tas-saħħa u tal-kura, speċjalment fl-ekonomija tal-anzjani, id-domanda hija relattivament prevedibbli minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Il-kunċett ta’ impjieg iġġenerat mill-anzjani jkopri l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda peress li l-istruttura tal-produzzjoni tiġi adattata għall-bżonnijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. L-aktar setturi importanti għall-impjieg iġġenerat mill-anzjani huma dawk tas-saħħa u l-kura fit-tul, li jirrikjedu ammont konsiderevoli ta’ ħaddiema u fejn id-domanda min-naħa tal-popolazzjoni li qed tixjieħ hija kbira ħafna. Fl-istess ħin, però, qed jonqos in-numru disponibbli ta’ ħaddiema żgħażagħ u kkwalifikati. Minkejja li s-setturi tas-saħħa u tal-kura huma elementi ċentrali għall-ħolqien tal-valur fl-ekonomija, ħafna impjiegi fil-qasam tas-servizzi personali mhumiex attraenti biżżejjed għaliex huma impjiegi għal perjodu limitat u b’pagi baxxi. Problema oħra hi t-tensjoni fiżika qawwija, li minħabba fiha bosta nies jieqfu jaħdmu qabel iż-żmien. Madankollu, il-prodotti u s-servizzi ta’ kwalità jistgħu jiġu żgurati fit-tul biss jekk ikun hemm impjiegi tal-istess kwalità għolja. Bis-saħħa ta’ miżuri fil-qasam tas-saħħa u fit-titjib tas-sistemi tal-kura (fit-tul) u tal-għajnuna, b’mod partikolari fid-djar, jistgħu jinħolqu bosta impjiegi. Barra minn hekk, jistgħu jinħolqu wkoll ħafna opportunitajiet permezz tal-promozzjoni tal-investimenti li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-intrapriżi inklużivi u tal-intrapriżi soċjali f’dan is-settur.

Brussell, 15 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 23.

(2)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 70.

(3)  Ara l-Istqarrija għall-Istampa tal-Eurostat Nru 138/2012 tal-1 ta’ Ottubru 2012.

(4)  Ara l-Istqarrija għall-Istampa tal-Eurostat Nru 138/2012 tal-1 ta’ Ottubru 2012.

(5)  SWD(2012) 90 final, p. 10ff.

(6)  Ara n-nota 2 f’qiegħ il-paġna.

(7)  Eurofound (2012), “Youth Garanties: Experiences from Finland and Sweden”.

(8)  COM(2012) 485 final.

(9)  ĠU C 229, 31.7.2012, p. 44.

(10)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 24.

(11)  C(2008) 5737: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2008:307:0011:0014:MT:PDF.

(12)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 14.

(13)  Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(14)  ĠU 143, 22.5.2012, p. 94.

(15)  SWD(2012) 92 final.

(16)  Skont id-definizzjoni tal-UNEP, pereżempju, kull attività li l-kontenut tagħha jagħti kontribut għall-ħarsien jew ir-riġenerazzjoni tal-kwalità tal-ambjent hija attività ekoloġika.

(17)  SWD(2012) 92 final.

(18)  Nota ta’ informazzjoni tas-CEDEFOP (Frar 2012), “A strategy for green skills?”

(19)  Seduta tal-KESE tal-11 ta’ Settembru 2012 dwar it-tixjiħ attiv u t-teknoloġija tal-informazzjoni.

(20)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 1.


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Id-Dimensjoni Esterna tal-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-UE”

COM(2012) 153 final

2013/C 11/15

Relatur: is-Sur ZUFIAUR

F’ittra tat-18 ta’ April 2012, il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jħejji opinjoni dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Id-Dimensjoni Esterna tal-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-UE

COM(2012) 153 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Ottubru 2012.

Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’137 voti favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li l-globalizzazzjoni tal-ekonomija, biż-żieda konsegwenti tal-kummerċ u l-flussi migratorji, teħtieġ approfondiment fil-proċess tal-internazzjonalizzazzjoni tal-leġislazzjoni soċjali sabiex jiġi assigurat li ċ-ċittadini in ġenerali u b’mod partikolari l-ħaddiema, migranti jew sedentarji, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, ma jiċċaħdux minn drittijiethom u jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dik li nistgħu nsejħulha “globalizzazzjoni soċjali”. Id-danni u l-benefiċċji li jirriżultaw jolqtu wkoll lill-intrapriżi.

1.2

B’konsegwenza, il-KESE jilqa’ l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-Komunikazzjoni intitolata “Id-Dimensjoni Esterna tal-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-UE”. Din il-Komunikazzjoni tenfasizza l-importanza ta’ strateġija komuni tal-UE fil-qasam tal-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali ma’ pajjiżi terzi, waqt li tirrispetta l-kompetenzi nazzjonali u tassigura l-koordinazzjoni neċessarja u l-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni tal-ftehimiet bilaterali tas-sigurtà soċjali ffirmati ma’ pajjiżi terzi. Tiddefendi wkoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bil-għan li jkollhom l-informazzjoni u l-mezzi sabiex f’dan il-qasam jiżviluppaw politika ta’ koordinazzjoni internazzjonali. Fl-aħħar tindika li kemm l-intrapriżi kif ukoll iċ-ċittadini li ġejjin minn pajjiżi terzi huma konxji li kull Stat Membru għandu s-sistema tiegħu ta’ sigurtà soċjali, li tista’ twassal għal ċerti ostakli meta jistabbilixxu ruħhom fl-Unjoni Ewropea.

1.3

Il-KESE jappoġġja d-dimensjoni esterna tal-istandards ta’ koordinazzjoni stabbilita fil-Komunikazzjoni u li tiddefendi l-komplementarjetà tal-approċċi nazzjonali u tal-Unjoni sabiex jiġu evitati l-iżbilanċi, il-lakuni u l-vojt legali.

1.4

Il-KESE jenfasizza t-tibdil kwalitattiv b’riżultat tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali mal-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, l-Iżrael, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Kroazja. Iħeġġeġ ukoll lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea sabiex ikompli b’din il-ħidma fir-rigward tal-proposti għal Deċiżjonijiet mal-Montenegro, San Marino, l-Albanija u t-Turkija.

1.5

Il-KESE jindika l-konvenjenza li l-approċċ globali Ewropew jiġi żviluppat permezz tal-ftehimiet tal-Unjoni li, waqt li jirrispettaw il-kompetenzi nazzjonali, inaqqsu ċerti disfunzjonijiet li jirriżultaw mill-approċċi nazzjonali u joffru possibbiltajiet aħjar għall-Istati Membri kollha.

1.6

Il-KESE jistieden lill-Kunsill jagħti mandat lill-Kummissjoni Ewropea sabiex, fi ħdan il-qafas legali tat-Trattati, tkompli bin-negozjati mas-setgħat emerġenti BRIĊ (Brażil, Russja, Indja u Ċina), mal-pajjiżi Balkani u ġirien tal-Lvant tal-Ewropa, kif ukoll ma’ pajjiżi oħra li għandhom għadd importanti ta’ ċittadini li jaħdmu fit-territorju tal-Unjoni (1) u tiffinalizza ftehimiet internazzjonali tas-sigurtà soċjali li jippermettu li tiġi garantita l-protezzjoni reċiproka taċ-ċittadini tal-UE u taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi firmatarji. B’mod speċjali jfakkar fil-bżonn li jiġu protetti ċ-ċittadini ta’ pajjiżi li minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika u ekonomika tagħhom ma jitqisux bħala strateġikament importanti mill-Unjoni u għalhekk jistgħu jkunu l-aktar żvantaġġati.

1.7

L-azzjoni esterna tal-Unjoni f’dan il-qasam tista’ tiġi kkompletata bl-iżvilupp ta’ politika multilaterali li tistabbilixxi rabtiet stretti ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra jew entitatjiet reġjonali sopranazzjonali. Eżempju tajjeb ta’ din il-kooperazzjoni multireġjonali huwa l-Ftehim Ibero-Amerikan tas-Sigurtà Soċjali, li minnu jagħmlu parti l-pajjiżi tal-Amerika Latina, Spanja u l-Portugall. F’dan is-sens, il-KESE jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Presidenza Ċilena tas-Summit li jmiss tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE, tal-Amerika Latina u tal-Karajbi li għandhom l-għan li jtejbu l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet fir-rigward tas-sigurtà soċjali.

1.8

Il-KESE jħeġġeġ lill-kunsilli ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi rispettivi sabiex jiffinalizzaw il-ħidma għall-approvazzjoni finali tad-Deċiżjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali stabbiliti mill-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u ta’ Stabilizzazzjoni mal-Iżrael, it-Tuneżija, l-Alġerija, il-Marokk, il-Kroazja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

1.9

Il-KESE juri x-xewqa li l-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, kummerċjali jew ta’ assoċjazzjoni ekonomika, eżistenti jew futuri, ikunu jinkludu klawżoli bilaterali ta’ sigurtà soċjali, li jirreferu b’mod speċjali għat-trattament indaqs, għall-esportazzjoni tal-pensjonijiet u għat-tneħħija tal-kontribuzzjonijiet doppji.

1.10

Il-KESE jipproponi li l-kooperazzjoni tal-Unjoni dwar is-sigurtà soċjali tkun diretta b’mod partikolari lejn dawk il-pajjiżi li jridu jilħqu l-għanijiet proposti mill-inizjattiva tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-“bażi ta’ protezzjoni soċjali”, iżda li jeħtieġu għajnuna sabiex jilħqu jew itejbu l-limiti mitluba. B’dan il-mod ikun possibbli wkoll li jiġu konklużi ftehimiet bilaterali ta’ sigurtà soċjali bbażati fuq il-prinċipji tat-trattament indaqs, iż-żamma tad-drittijiet akkwistati u tad-drittijiet li ser jiġu akkwistati u l-kooperazzjoni amministrattiva. Għal dan il-għan, ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 (2) u l-Ftehim 157 (3) u r-Rakkomandazzjoni 167 (4) tal-ILO jistgħu jservu bħala mudell, bl-adattamenti neċessarji.

1.11

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-ftehimiet bilaterali kollha fis-seħħ konklużi mill-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi, billi perjodikament tiġi aġġornata l-lista ta’ dawn l-istrumenti u tiġi vverifikata li l-applikazzjoni tagħhom hija konformi mal-prinċipji tal-Unjoni u mal-ġurisprudenza rilevanti.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-KESE hu konxju li fl-ambitu tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri żviluppaw politiki bilaterali jew multilaterali ma’ pajjiżi terzi permezz ta’ ftehimiet internazzjonali. Bla dubju, dan l-approċċ jista’ jkun frammentat u inkomplet peress li frekwentement jiffoka fuq il-protezzjoni unika taċ-ċittadini tal-pajjiżi firmatarji jew jirrispondi għal interessi konkreti li mhux dejjem huma kondiviżi mill-Istati Membri kollha.

2.2

Il-KESE jemmen li għalkemm għandha tiġi rikonoxxuta l-importanza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet internazzjonali bilaterali kollha, dan jista’ jwassal għal xenarju fejn mhux iċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi terzi jibbenefikaw mill-istess drittijiet jew garanziji fi ħdan l-Unjoni. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn f’ċertu Stat, il-barranin li ġejjin minn pajjiż li mhux membru tal-Unjoni jkollhom aċċess għas-sigurtà soċjali jew għall-esportazzjoni tal-pensjonijiet biss jekk jeżisti ftehim bilaterali li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ trattament indaqs. Minħabba f’hekk, iċ-ċittadin ta’ pajjiż bi ftehim bilaterali jkun kopert mis-sigurtà soċjali, filwaqt li ċittadin ieħor ta’ pajjiż li m’għandux il-ftehim bilaterali ma jibbenefikax minn dan id-dritt minkejja li t-tnejn li huma jaħdmu fl-istess intrapriża u jagħmlu parti mill-istess kategorija professjonali. Jista’ jiġri wkoll li ċittadin ta’ pajjiż terz ikun protett fi Stat Membru u mhux f’ieħor, meta jiġu applikati l-liġijiet nazzjonali distinti, u dan jista’ jkollu impatt fuq il-kompetizzjoni ġusta bejn il-pajjiżi. B’dan il-mod, fl-ewwel każ jitħallsu l-kontribuzzjonijiet taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, filwaqt li dan ma jseħħx fit-tieni każ. Dan jista’ jagħti vantaġġ ekonomiku lit-tieni pajjiż peress li jkun hemm iffrankar fl-ispejjeż soċjali. B’dan il-mod jista’ jiddgħajjef il-kunċett ta’ Ewropa bħala żona ugwali fejn id-diskriminazzjoni hija nieqsa jew eskluża.

2.3

Dan jikser ukoll il-prinċipju difiż mid-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, li tesiġi li l-ħaddiem stazzjonat jiġi trattat daqs ċittadin ta’ Stat Membru.

2.4

Bl-istess mod, il-KESE jemmen li d-dimensjoni esterna tar-regoli ta’ koordinazzjoni għandha sservi sabiex tiddefendi d-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej meta dawn ikunu jinsabu barra mit-territorju tal-Unjoni jew meta ħadmu jew jaħdmu f’pajjiżi terzi.

2.5

Il-KESE jqis li l-idea ta’ negozjati b’mod separat min-naħa tal-Istati differenti tal-Unjoni ta’ ftehimiet bilaterali mal-pajjiżi terzi kollha hija inizjattiva pożittiva u favorevoli iżda mhux kompluta. Dan jimplika sforzi konsiderevoli, eċċessivi u sproporzjonati u li mhux dejjem jistgħu jkunu ta’ suċċess; barra minn hekk dawn il-ftehimiet jistgħu jkollhom kontenut differenti u jistgħu jikkontradixxu lil xulxin. Apparti hekk, in-negozjati, speċjalment ma’ xi pajjiżi emerġenti b’setgħa u potenzjal kbar (pereżempju, il-BRIĊ) jistgħu jwasslu għal żbilanċ fis-setgħat jekk l-Istati Membri ma jaġixxux flimkien, abbażi ta’ interessi u pożizzjonijiet komuni. Għalhekk, il-possibbiltà li l-Unjoni Ewropea bħala tali tidħol f’negozjati relatati mas-sigurtà soċjali ma’ pajjiżi jew assoċjazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi għandha tiġi analizzata u, jekk ikun adegwat, tiġi attwata b’konformità mat-Trattati.

2.6

Il-KESE jemmen li dawn l-istrumenti jevitaw, speċjalment fil-każ tal-ħaddiema stazzjonati jew sekondati, il-ħlas doppju tal-kontribuzzjonijiet soċjali fil-pajjiż ta’ impjieg u fil-pajjiż ta’ oriġini. F’dan is-sens għandu jiġi enfasizzat li t-tneħħija tal-kontribuzzjonijiet doppji jnaqqsu l-ispejjeż b’mod sinifikanti. Dan ikun ta’ benefiċċju għall-mobbiltà tal-ħaddiema, għall-kompetittività tal-intrapriżi tagħna barra l-UE u fl-istess ħin iħeġġeġ lill-intrapriżi ta’ pajjiżi terzi sabiex jistabbilixxu ruħhom fit-territorju tal-Unjoni. Barra minn hekk, ikun possibbli li tiġi stabbilita regola unika sabiex jiġi evitat li l-liġi tal-pajjiż ta’ impjieg jew ta’ oriġini tiġi applikata b’mod diskrezzjonali u arbitrarju, skont il-każ, u li l-pagamenti fiskali u ta’ sigurtà soċjali ma jsirux fl-istess pajjiż.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE esprima l-fehma tiegħu dwar ir-regolamenti ta’ koordinazzjoni, li kellhom il-kamp ta’ applikazzjoni personali (gruppi ġodda) u materjali (benefiċċji ġodda) estiż fi ħdan l-UE. Barra minn hekk, xi pajjiżi Ewropej li mhumiex membri tal-Unjoni (in-Norveġja, l-Islanda, il-Liechtenstein u l-Isvizzera) ukoll japplikaw dawn ir-regolamenti li servew ta’ bażi u mudell għal strumenti multilaterali oħra. L-aħjar eżempju ta’ dan huwa l-Ftehim Ibero-Amerikan tas-Sigurtà Soċjali, li jista’ jitqies bħala legat ġenwin tar-regoli Ewropej ta’ koordinazzjoni. B’konsegwenza, il-KESE jemmen li r-regoli ta’ koordinazzjoni internazzjonali tal-Istati Membri jew tal-Unjoni għandhom jiġu ispirati u influwenzati mill-prinċipji u l-mekkaniżmi prinċipali tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Unjoni.

3.2

Il-KESE jindika li r-regoli soċjali u speċjalment id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali jistgħu jittraxxendu u jiġu applikati barra t-territorju ġeografiku tal-UE. F’dan is-sens, il-prinċipji bħat-trattament indaqs bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri jistgħu jipproteġu l-ħaddiem tal-Unjoni u jkollhom konsegwenzi legali barra t-territorju tal-Unjoni. Fil-fatt, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) mogħtija f’numru ta’ każijiet bħal Boukhalfa C-214/94 (ħaddiem Belġjan li jirċievi salarju inqas mill-kollegi Ġermaniżi tiegħu fil-Konsulat Ġermaniż fl-Alġerija), Hirandin 112/75, Fiège 110/73, Horst C247/96 u Van Roosmalen 300/84 (rikonoxximent minn Franza u l-Belġju tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li saru fl-Alġerija u l-Kongo tal-Belġju għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u mhux biss iċ-ċittadini Franċiżi u Belġjani) huma evidenza tajba li l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni jista’ jkollu applikazzjoni ekstraterritorjali anke f’sitwazzjonijiet li joħorġu barra t-territorju tal-Unjoni. Barra minn hekk, din il-vis atractiva ġiet ikkonfermata bis-sentenzi mogħtija fil-każijiet Prodest 237/83 u Aldewered C-60/93, fejn il-QĠUE rrikonoxxiet li r-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (5) jista’ jiġi applikat għall-istazzjonar temporanju tal-ħaddiema tal-Unjoni f’pajjiżi terzi.

3.3

Il-KESE jilqa’ l-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali stabbiliti mill-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u ta’ Stabilizzazzjoni mal-Iżrael, it-Tuneżija, l-Alġerija, il-Marokk, il-Kroazja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fejn hemm stabbilita l-pożizzjoni li għandha tadotta l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-kunsilli ta’ assoċjazzjoni. Dawn l-istrumenti ser jibdlu b’mod kwalitattiv il-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà soċjali billi, fil-livell bilaterali (Unjoni/pajjiż assoċjat), jistabbilixxu u jirregolaw il-prinċipju tat-trattament indaqs u l-esportazzjoni tal-pensjonijiet. Għalhekk jiġu stabbiliti obbligazzjonijiet u drittijiet reċiproċi li jolqtu kemm liċ-ċittadini tal-Unjoni li jaħdmu jew ħadmu f’xi wħud mill-pajjiżi msemmija kif ukoll liċ-ċittadini tal-pajjiżi assoċjati li jaħdmu jew ħadmu fit-territorju tal-Unjoni. Dawn m’humiex aktar dispożizzjonijiet unilaterali tal-Unjoni Ewropea applikabbli f’sens uniku iżda impenji internazzjonali li minnu jibbenefikaw b’mod reċiproku ż-żewġ partijiet firmatarji. Barra minn hekk, dan it-tip ta’ ftehimiet u d-deċiżjonijiet korrespondenti ta’ applikazzjoni jippermettu li jitnaqqsu l-isforzi involuti billi b’att legali uniku jinkiseb dak li kieku jkollu bżonn diversi ftehimiet bilaterali.

3.4

Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-ILO dwar il-“bażi ta’ protezzjoni soċjali”, li fil-fehma tiegħu ma tistax tkun unika jew uniformi u lanqas ma tista’ tintuża bħala t-triq għall-iżvilupp tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, iżda għandha titqies bħala l-limitu minimu li għandu jiġi żviluppat. Fil-fatt, il-“bażi ta’ protezzjoni soċjali” għandha tirrappreżenta netwerk permanenti ta’ progress u perfezzjonament, li dejjem jevolvi u b’għan definit: il-protezzjoni globali tal-ħaddiema u ċ-ċittadini.

3.5

Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-Unjoni Ewropea tkun attrezzata b’mekkaniżmu (grupp ta’ ħidma) ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri bil-għan li tiġi skambjata l-informazzjoni, jiġu ppreżentati prattiki tajbin fil-qafas tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, jiġi studjat l-aħjar mod kif għandhom jiġu magħquda u kkomplementati l-politiki nazzjonali u tal-Unjoni u jitfasslu azzjonijiet futuri tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi.

3.6

Il-KESE jemmen li dan il-proċess ta’ dimensjoni esterna tar-regoli ta’ koordinazzjoni għandu jqis l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u speċjalment, fi ħdanhom stess, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu. L-impatt ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fuq ir-relazzjonijiet tax-xogħol u d-diversità tal-gruppi milqutin jindikaw li għandhom jitqiesu proposti mill-imsieħba governattivi kif ukoll minn dawk li mhumiex governattivi. Matul is-sitt laqgħa tas-soċjetà ċivili organizzata tal-UE-Amerika Latina, organizzata mill-KESE f’Madrid f’Mejju 2010, ġew indikati numru ta’ talbiet relatati mad-dimensjoni esterna tas-sigurtà soċjali u l-bżonn ta’ aktar kooperazzjoni bejn il-pajjiżi kollha tal-Amerika Latina, tal-Karibew u tal-UE, speċjalment ma’ dawk li magħhom l-Unjoni għandha sħubija strateġika, bħall-Brażil u l-Messiku.

3.7

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għal-laqgħa bejn l-Unjoni Ewropea, l-Amerika Latina u l-Karibew li għaliha attendew il-Ministri u l-uffiċjali għola responsabbli mis-sigurtà soċjali li saret f’Alcalá de Henares f’Mejju 2010, li tista’ titqies bħala l-qofol u l-punt li nieda l-isforzi fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi kkoordinata d-dimensjoni esterna tas-sigurtà soċjali u li wasslet għall-Komunikazzjoni li qed tiġi kkunsidrata.

3.8

Il-KESE jenfasizza li huwa konvenjenti li l-approċċ globali Ewropew jiġi żviluppat permezz tal-ftehimiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet reġjonali oħra, peress li huwa aktar adatt u effiċjenti minn approċċ strettament nazzjonali fejn l-Istati Membri jieħdu azzjoni unilaterali. F’dan ir-rigward, il-KESE jixtieq ifakkar, bħala eżempju, fil-Ftehim Ibero-Amerikan tas-Sigurtà Soċjali (6). F’dan ir-rigward, il-KESE jixtieq li l-Organizzazzjoni Ibero-Amerikana dwar is-Sigurtà Soċjali tistudja l-possibbiltà li tippermetti Stati Membri oħra tal-UE, flimkien mal-Portugall u Spanja, jipparteċipaw fil-futur f’dan il-ftehim sabiex, permezz ta’ att wieħed ta’ ratifikazzjoni, jiġu stabbiliti relazzjonijiet relatati mas-sigurtà soċjali ma’ diversi pajjiżi tal-Amerika Latina, u b’hekk jiġu evitati negozjati u ftehimiet bilaterali multipli.

4.   Potenzjali u punti dgħajfa tas-sitwazzjoni attwali

4.1

Hemm bżonn ta’ approċċ globali tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali internazzjonali sabiex jiġu kkomplementati l-politiki li qegħdin jiġu żviluppati mill-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi, inkella ma jkunx possibbli li jiġu implimentati bi sħiħ l-obbligazzjonijiet imposti mil-liġi tal-Unjoni. Eżempju ċar ta’ dan huwa s-sentenza fil-każ Gottardo C-5500 fejn il-QĠUE, abbażi tal-prinċipju tat-trattament indaqs, testendi l-iskop personali ta’ applikazzjoni tal-ftehimiet bilaterali kollha konklużi bejn Stat Membru tal-Unjoni u pajjiż terz għaċ-ċittadini tal-Unjoni, anke jekk l-istrument legali in kwistjoni jirreferi b’mod esklussiv, fil-kuntest suġġettiv, għaċ-ċittadini tal-pajjiżi firmatarji.

4.1.1

Fl-istess waqt, din is-sentenza tirrikonoxxi li l-obbligazzjonijiet b’riżultat tad-deċiżjoni jistgħu jaffettwaw biss lill-Istati Membri u mhux lill-pajjiżi terzi, li fuqhom m’għandha l-ebda kompetenza l-QĠUE. Huwa hawnhekk fejn id-diffikultà għall-implimentazzjoni tas-sentenza hija ċara, peress li pajjiż terz jista’ jirrifjuta li jestendi l-kamp personali ta’ applikazzjoni tal-ftehim għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u għalhekk li jimla ċertifikat, jirrikonoxxi d-dritt għall-benefiċċji tal-mard jew, sempliċiment, li jipprovdi informazzjoni lill-persuni li mhumiex koperti bl-iskop ta’ applikazzjoni tal-ftehim.

4.1.2

F’dan il-kuntest, il-mertu tas-sentenza fil-każ Gottardo huwa li din mhux biss tiżviluppa d-dimensjoni esterna tar-regoli tal-Unjoni, iżda tistabbilixxi wkoll il-limiti u n-nuqqasijiet tagħha peress li teħtieġ il-kooperazzjoni ta’ pajjiżi oħra u ta’ organizzazzjonijiet reġjonali sopranazzjonali oħra.

4.1.3

Għalhekk, il-KESE jappella li jitnieda proċess ta’ riflessjoni dwar il-bżonn li jissaħħaħ approċċ unifikat tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali internazzjonali permezz tal-ftehimiet tal-Unjoni jew ta’ politiki ta’ kooperazzjoni reċiproka ma’ partijiet globali oħra.

4.2

Il-KESE jilqa’ b’mod pożittiv l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 (7) li jestendi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Madankollu jqis li xorta għad hemm lakuni u vojt legali li l-approċċ il-ġdid li ttieħed fil-Komunikazzjoni jipprova jimla b’mod speċifiku. Fil-fatt, dan ir-Regolament japplika biss meta jkun hemm sitwazzjonijiet transkonfinali fi ħdan l-Unjoni. B’konsegwenza, il-prinċipju tat-trattament indaqs tar-Regolament japplika biss b’mod ġenerali f’sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiem ta’ pajjiż terz ikun ħadem f’aktar minn Stat Membru wieħed. Għalhekk il-maġġoranza tal-migranti minn pajjiżi terzi li ħadmu biss fi Stat Membru wieħed tal-Unjoni mhumiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010. Dan ifisser li ma jgawdu mill-ebda garanzija tal-Unjoni fir-rigward tat-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni, iżda jiddependu minn dak li jiġi deċiż fil-leġislazzjoni nazzjonali. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jqisx l-aggregazzjoni tal-perjodi ta’ assigurazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tal-ħaddiem jew l-esportazzjoni tal-pensjonijiet lejn dak il-pajjiż. Fl-aħħar, dan l-istrument tal-Unjoni ma jappellax għal jew jeħtieġ reċiproċità għaċ-ċittadini tal-Unjoni, li mhux ser jirċievu l-istess trattament mill-pajjiżi terzi.

4.3

Il-KESE jemmen ukoll li ttieħed pass importanti ħafna fid-dimensjoni esterna tal-Unjoni Ewropea bid-direttivi (8) adottati dwar il-migrazzjoni u bil-proposti tal-Kummissjoni li qegħdin jiġu diskussi fil-Kunsill u fil-Parlament. Fil-fatt, fid-Direttivi li diġà ġew adottati, il-prinċipju tat-trattament indaqs fil-qasam tas-sigurtà soċjali jiġi estiż, b’xi limitazzjonijiet speċifiċi, għall-ħaddiema migranti ta’ pajjiżi terzi. Ikopru wkoll l-esportabbiltà u l-portabbiltà tal-pensjonijiet lejn pajjiżi terzi bl-istess kundizzjonijiet applikati għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat, mingħajr il-bżonn ta’ ftehim bilaterali. Madankollu, għad hemm numru ta’ aspetti mhux regolati bħar-reċiproċità, l-aggregazzjoni tal-perjodi ta’ assigurazzjoni barra l-Unjoni jew l-esportazzjoni tal-pensjonijiet, meta l-leġislazzjoni ta’ pajjiż ma joffrix dan id-dritt liċ-ċittadini tiegħu stess. Barra minn hekk, il-KESE jixtieq li, fil-qasam tal-protezzjoni soċjali, id-Direttivi relatati mal-emigrazzjoni li diġà ġew adottati jkunu jistgħu jservu ta’ bażi ġenerali għad-direttivi li qegħdin jiġu nnegozjati attwalment, waqt li jiġu aġġustati għas-sitwazzjonijiet distinti u għall-gruppi li għandhom jiġu protetti.

5.   Kunċetti

5.1

Koordinazzjoni internazzjonali tas-sigurtà soċjali Il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għandha l-għan li tipproteġi lill-ħaddiem li ħadem f’żewġ Stati Membri jew aktar u kien soġġett għal sistemi distinti tas-sigurtà soċjali. Għal dan il-għan, l-Istati jikkonkludu ftehimiet ma’ pajjiżi oħra li, frekwentement, jinkludu klawżoli dwar it-trattament indaqs, il-prinċipju li hija l-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed li tapplika, iż-żamma tal-kopertura u tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż ta’ oriġini fil-każ ta’ ħaddiema stazzjonati, l-esportazzjoni tal-pensjonijiet u l-aggregazzjoni tal-perjodi ta’ assigurazzjoni koperti fil-pajjiżi firmatarji. Ir-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u s-suċċessur tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 883/2004, huma l-istrumenti tal-Unjoni li jistabbilixxu l-istandards li jirregolaw u li japplikaw dawn il-prinċipji fil-kuntest Ewropew, waqt li fl-istess ħin jispiraw il-ftehimiet mal-pajjiżi terzi.

5.2

L-approċċ nazzjonali tad-dimensjoni esterna tas-sigurtà soċjali huwa bbażat fuq il-ftehimiet konklużi minn Stat Membru ma’ pajjiżi terzi bil-għan li jiġu protetti, fil-kuntest tas-sigurtà soċjali, il-ħaddiema li ħadmu f’żewġ Stati. F’xi każijiet l-ambitu ta’ applikazzjoni personali jinkludi biss liċ-ċittadini tal-pajjiżi firmatarji.

5.3

L-approċċ tal-Unjoni tad-dimensjoni esterna tas-sigurtà soċjali jqis l-interessi tal-UE kollha. Dan jirreferi għan-negozjati ta’ ftehimiet tal-UE ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar jew għal miżuri oħra mfassla sabiex jipprovdu protezzjoni relatata mas-sigurtà soċjali. Bi prinċipju tinteressa liċ-ċittadini Ewropej kollha.

5.4

Il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u/jew Stabbilizzazzjoni jistgħu jipprovdu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament indaqs u l-esportazzjoni tal-pensjonijiet u japplikaw għaċ-ċittadini tal-UE u għaċ-ċittadini tal-pajjiż firmatarju. L-iżvilupp tagħhom jitwettaq permezz tad-Deċiżjonijiet.

5.5

Il-Ftehimiet tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi relatati mas-sigurtà soċjali, li attwalment ma jeżistux, jistgħu jibdew billi jistabbilixxu l-leġislazzjoni applikabbli sabiex jiġu evitati l-kontribuzzjonijiet doppji bl-esportazzjoni tal-pensjonijiet u jiġu kkomplementati bl-aggregazzjoni tal-perjodi. Dawn il-ftehimiet huma differenti ħafna mill-ftehimiet imsemmija qabel peress li dawk huma ħafna aktar ġenerali u jindirizzaw it-temi tas-sigurtà soċjali b’mod sekondarju biss.

5.6

Il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, kummerċjali jew ta’ sħubija ekonomika jirregolaw kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali kif ukoll dawk politiċi, ta’ żvilupp sostenibbli u ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi jew ir-reġjuni terzi. F’xi wħud minnhom hemm klawżoli relatati mas-sigurtà soċjali.

6.   Eżempji

6.1

Trattament indaqs u esportazzjoni tal-pensjonijiet:

6.1.1

Ħaddiema mill-pajjiżi tal-Unjoni (A u B) li jaħdmu f’pajjiż terz (Ċ) li l-leġislazzjoni tiegħu dwar is-sigurtà soċjali ma tippermettix li l-barranin iħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew li jesportaw il-pensjoni. Il-pajjiż A ffirma ftehim bilaterali li jinkludi t-trattament indaqs u ż-żamma tad-drittijiet miksuba (esportazzjoni tal-pensjonijiet). Il-pajjiż B ma ffirma l-ebda ftehim mal-pajjiż Ċ. Is-sitwazzjoni tal-ħaddiema mill-pajjiżi A u B hija totalment differenti. Filwaqt li l-ewwel wieħed għandu dritt għas-sigurtà soċjali fil-pajjiż Ċ u jekk jilħaq il-pensjoni, jista’ jirċiviha fil-pajjiż A jekk jirritorna lura, il-ħaddiem mill-pajjiż B m’għandu l-ebda dritt għall-pensjoni u anke li kieku kellu, ma jkunx jista’ jirċievi l-pensjoni fil-pajjiż tiegħu ta’ oriġini. Dan huwa eżempju ta’ trattament differenti abbażi ta’ jekk jeżistix jew le ftehim bilaterali li ġeneralment jiddependi minn jekk il-pajjiż Ċ għandux interess li jinnegozjah ma’ Stat Membru wieħed jew aktar tal-Unjoni. Quddiem din ir-realtà tkun aktar utli li jkun hemm negozjar dirett ta’ ftehim dwar is-sigurtà soċjali bejn l-Unjoni u l-pajjiż Ċ. Possibbiltà oħra tkun li fil-ftehimiet usa’ (reġjonali, multipartitiċi, ta’ sħubija, eċċ.) tiġi inkluża taqsima dwar is-sigurtà soċjali li tinkludi klawżoli dwar it-trattament indaqs u l-esportazzjoni tal-pensjonijiet.

6.1.2

Ħaddiema mill-pajjiżi A u B tal-Unjoni li ntbagħtu mill-intrapriżi tagħhom fil-pajjiż Ċ għal perjodu ta’ sentejn. Skont il-leġislazzjoni tal-aħħar pajjiż, il-ħaddiema li jaħdmu fit-territorju tiegħu jridu jħallsu l-kontribuzzjonijiet. Barra minn hekk, il-leġislazzjoni tal-pajjiżi A u B tipprevedi l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet mill-ħaddiema stazzjonati. Minn naħa tiegħu, il-pajjiż A ffirma ftehim bilaterali mal-pajjiż li jgħid li l-kontribuzzjonijiet jitħallsu biss fil-pajjiż ta’ oriġini. Iżda l-intrapriża tal-pajjiż B jkollha tħallas kontribuzzjonijiet doppji: fil-pajjiż proprju tagħha u fil-pajjiż Ċ. F’dan l-aħħar każ, l-intrapriża li tistazzjona l-ħaddiema tagħha ser tkun inqas kompetittiva peress li trid tħallas aktar spejjeż soċjali, li jistgħu jiġu evitati kieku l-ftehim dwar is-sigurtà soċjali jsir direttament mill-UE ma’ dan il-pajjiż terz.

6.1.3

Ħaddiema ta’ pajjiżi terzi Ċ u D li jaħdmu fil-pajjiż A tal-Unjoni, li għandu ftehim ta’ sigurtà soċjali mal-pajjiż Ċ iżda mhux mal-pajjiż D. Il-leġislazzjoni tal-Istat Membru tal-Unjoni ma tinkludx il-prinċipju tat-trattament indaqs jew tal-esportazzjoni tal-pensjonijietIs-sitwazzjoni tal-ħaddiema Ċ u D lanqas mhi protetta minn xi strument regolatorju tal-Unjoni (dawn jistgħu jkunu temporanji, pereżempju). Il-ħaddiema m’għandhomx l-istess protezzjoni (drittijiet sħaħ għal dak li ġej mill-pajjiż Ċ u l-ebda dritt għal dak li ġej mill-pajjiż D) u għalhekk il-prinċipju tat-trattament indaqs mhux ser jiġi applikat bi sħiħ. Dan ma jseħħx kieku tkun l-Unjoni nnifisha li tinnegozja ftehim dwar is-sigurtà soċjali mal-pajjiż D msemmi hawn fuq.

6.1.4

Ċittadini tal-pajjiż terz Ċ li jaħdmu fil-pajjiżi A u B tal-Unjoni. Fil-leġislazzjoni tiegħu, il-pajjiż A jinkludi l-esportazzjoni tal-pensjonijiet jew iffirma mal-pajjiż Ċ ftehim bilaterali li jinkludi din l-esportazzjoni. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-pajjiż B Iż-żewġ ħaddiema kisbu d-dritt għall-pensjoni fl-Istat Membru tal-Unjoni li ħadmu fih u mbagħad irritornaw lura lejn pajjiżhom. Dak li kien jaħdem fil-pajjiż A jista’ jirċievi l-pensjoni tiegħu filwaqt li dak li ħadem fil-pajjiż B ser jitlef id-drittijiet tiegħu għal pensjoni. Dan ma kienx iseħħ kieku kien hemm Ftehim tal-Unjoni li kien ikopri dawn id-drittijiet jew oħrajn tas-sigurtà soċjali.

6.1.5

Ċittadini ta’ pajjiż terz li jaħdmu fil-pajjiżi A u B tal-Unjoni. Fil-leġislazzjoni tiegħu dwar is-sigurtà soċjali, il-pajjiż A jirrikonoxxi l-prinċipju tat-trattament indaqs b’rabta mas-sigurtà soċjali, filwaqt li f’dik tal-pajjiż B m’hemmx dan il-prinċipju. Fl-ewwel każ jitħallsu l-kontribuzzjonijiet taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz filwaqt li dan ma jseħħx fit-tieni każ. Dan jimplika vantaġġ ekonomiku għall-pajjiż B u jkisser l-idea ta’ UE bħala żona ta’ ugwaljanza nieqsa mid-diskriminazzjoni. Ftehim tal-Unjoni jsolvi wkoll din l-idea.

6.2

Reċiproċità. Ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz B li jaħdem fil-pajjiż A tal-Unjoni fejn, minħabba l-leġislazzjoni interna dwar is-sigurtà soċjali jew l-leġislazzjoni tal-Unjoni, il-prinċipju tat-trattament indaqs huwa rikonoxxut. Ħaddiem mill-pajjiż A tal-Unjoni li jaħdem f’pajjiż terz B li ma jirrikonoxxix il-prinċipju tat-trattament indaqs. Peress li l-prinċipju tat-trattament indaqs mhux rikonoxxut mil-leġislazzjoni nazzjonali jew minn dik tal-Unjoni dwar ir-reċiproċità, dan joħloq inugwaljanza ċara. Ftehim dwar is-sigurtà soċjali nnegozjat mill-UE għandu jsolvi l-problema, jekk ir-reċiproċità tkun mitluba mill-partijiet.

6.3

Riperkussjonijiet tas-sentenza Gottardo. Ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż A tal-Unjoni li ħadem fil-pajjiż B tal-Unjoni u fil-pajjiż terz Ċ. Bejn il-pajjiż B u Ċ hemm ftehim bilaterali tas-sigurtà soċjali fejn huma inklużi biss iċ-ċittadini tal-pajjiżi firmatarji. Min-naħa l-oħra m’hemmx ftehim bilaterali bejn il-pajjiżi A u Ċ. Il-ħaddiem jgħid li ħadem 8 snin fil-pajjiż B u 10 snin fil-pajjiż Ċ. Fil-pajjiż B hemm bżonn ta’ 15-il sena ta’ kontribuzzjonijiet sabiex ħaddiem ikun intitolat għall-pensjoni hekk kif jirtira. B’konformità mas-sentenza Gottardo, il-pajjiż B tal-Unjoni jrid jakkumula l-perjodi ta’ kontribuzzjonijiet li saru mill-ħaddiem fil-pajjiż Ċ. Sabiex dan isir, il-pajjiż jeħtieġ il-kooperazzjoni mill-pajjiż Ċ u li dan jinnotifika formalment il-perjodi ta’ kontribuzzjonijiet. Peress li l-pajjiż Ċ mhux marbut mis-sentenza Gottardo, dan jista’ jirrifjuta t-talba. B’konsegwenza, din is-sentenza ma tistax tiġi applikata mingħajr ir-rieda tajba tal-pajjiż Ċ. Sabiex jiġi indirizzat dan in-nuqqas hemm bżonn il-kooperazzjoni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi sabiex tiġi assigurata l-konformità. Il-Kummissjoni għandha tingħata rwol ta’ segwitu u koordinazzjoni sabiex il-ftehimiet bilaterali li jiġu nnegozjati jew li jerġgħu jiġu nnegozjati jkunu jinkludu liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Aktar minn 20 miljun ċittadin minn pajjiżi terzi jaħdmu fl-Istati Membri differenti tal-Unjoni.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali. ĠU L 166, 30.4.2004 p. 1) (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 05 Volume 05 p. 72 - 116).

(3)  Ftehim dwar l-istabbiliment ta’ sistema internazzjonali għaż-żamma tad-drittijiet relatati mas-sigurtà soċjali, Ġenevra, it-68 laqgħa tal-Konferenza Ġenerali tal-ILO (21 ta’ Ġunju 1982).

(4)  Rakkomandazzjoni dwar l-istabbiliment ta’ sistema internazzjonali għaż-żamma tad-drittijiet relatati mas-sigurtà soċjali, Ġenevra, id-69 laqgħa tal-Konferenza Ġenerali tal-ILO (20 ta’ Ġunju 1983).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 tal-14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU L 149, 5.7.1971, p. 2. Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Volum 1, p. 35-82).

(6)  Ftehim multilaterali Ibero-Amerikan dwar is-Sigurtà Soċjali tal-10 ta’ Novembru 2007.

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li mhumiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom. (ĠU L 344, 29.12.2010, p. 1).

(8)  Speċjalment id-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1).


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew ta’ Viċinat”

COM(2011) 838 final u COM(2011) 839 final

2013/C 11/16

Relatur Ġenerali: is-Sur SIBIAN

Nhar il-25 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew ta’ Viċinat

COM(2011) 838 final u COM(2011) 839 final.

Nhar is-17 ta’ Settembru 2012, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru) li jaħtar lis-Sur SIBIAN bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’142 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ regolament tal-IPA II

1.1

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-approċċ il-ġdid tal-abbozz ta’ regolament dwar l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) li, meta mqabbel mal-istrument ta’ qablu, joffri aktar flessibbiltà u jipprevedi trattament ugwali tal-pajjiżi benefiċjarji, minħabba li ma jagħmilx distinzjoni bejn it-tip ta’ għajnuna disponibbli għall-pajjiżi kandidati u għall-pajjiżi kandidati potenzjali.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-istrateġija l-ġdida proposta fl-abbozz ta’ regolament tal-IPA II li ser tippermetti li jingħata appoġġ speċifiku għal kull pajjiż benefiċjarju. Ser jiġu adottati dokumenti ta’ strateġija pluriennali komprensivi għal kull pajjiż individwali skont il-ħtiġijiet u l-aġendi speċifiċi ta’ kull wieħed minnhom hekk kif ikunu qed iħejju biex jissieħbu fl-UE.

1.3

Il-KESE jqis li r-reviżjoni tad-dokumenti ta’ strateġija f’nofs it-term tista’ tkun tard wisq u jipproponi li r-reviżjoni ssir sa mhux aktar tard minn nofs it-term. Huwa importanti li jkun hemm enfasi fuq il-ksib tal-objettivi; għaldaqstant il-flessibbiltà hija essenzjali. Il-KESE jirrakkomanda li qabel ma jsiru r-reviżjonijiet ta’ nofs it-term, issir reviżjoni annwali sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-appoġġ. Ir-rapporti ta’ progress annwali tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jservu bħala bażi soda għar-reviżjoni u l-adattament tal-ipprogrammar skont il-ħtiġijiet tal-pajjiżi kkonċernati.

1.4

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-għan tal-abbozz ta’ regolament ġdid li jissemplifika u jnaqqas il-piż amministrattiv involut fil-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja. Madankollu, il-KESE għandu d-dubji dwar l-approċċ abbażi tas-settur għall-allokazzjoni tal-assistenza. Dan il-mekkaniżmu għandu jintuża bil-galbu, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull pajjiż benefiċjarju, filwaqt li jitqies li l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni hija mfassla biex tgħin lill-pajjiżi kandidati u lill-kandidati potenzjali jippreparaw għal sħubija futura. L-IPA jagħti lill-pajjiżi “eżerċizzju ta’ prova” tal-obbligi tas-sħubija qabel l-adeżjoni, inkluż dwar il-mod kif għandhom imexxu l-fondi strutturali, ta’ koeżjoni, agrikoli u tal-iżvilupp rurali. Għaldaqstant, kull approċċ abbażi tas-settur għandu jintuża biss meta jkunu jeżistu regoli u proċeduri adegwati (pereżempju b’rabta mar-regoli għall-akkwist, il-kunflitti ta’ interess, eċċ.) u meta l-pjan tal-infiq tal-baġit tal-Istat ikun wiesa’ biżżejjed u ma jitfassalx biss fuq bażi annwali. Normalment, l-approċċ abbażi tas-settur huwa marbut mas-setturi bħas-saħħa, l-edukazzjoni, eċċ. filwaqt li l-assistenza tal-IPA tiffoka wkoll fuq is-setturi bħal dak kontra l-korruzzjoni u l-bini tal-kapaċità għall-amministrazzjoni pubblika, li fil-każ tagħhom hemm inqas ċans li jikkonformaw ma’ dan l-approċċ għax m’hemmx istituzzjoni waħda biss, iżda diversi korpi li jirċievu l-assistenza.

1.5

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir l-enfasi li l-abbozz ta’ regolament il-ġdid ipoġġi fuq iż-żieda fil-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni ma’ donaturi oħra u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u oħrajn fil-livell strateġiku.

1.6

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir ukoll il-flessibbiltà prevista mill-istrument il-ġdid li tippermetti li l-allokazzjonijiet jiġu trasferiti minn qasam ta’ politika għal ieħor, u jagħmilha possibbli li l-fondi jiġu trasferiti minn sena għal oħra (1).

1.7

Il-KESE jenfasizza l-bżonn li fl-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-IPA II, tiġi appoġġjata u żviluppata s-sjieda lokali. Għal dan il-għan, għandhom jitwaqqfu mekkaniżmi adegwati biex jiġu involuti l-awtoritajiet nazzjonali, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili u li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom. L-involviment tagħhom għandu jitħeġġeġ fil-fażijiet kollha tal-assistenza: it-tfassil u t-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni. L-assistenza pprovduta lis-soċjetà ċivili għandha tasal permezz tal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ intermedjarji lokali u ċ-ċentri tar-riżorsi nazzjonali.

1.8

Il-proċess tat-tkabbir tal-UE jeħtieġ l-armonizzazzjoni tal-liġijiet soċjali u dawk tax-xogħol fil-Balkani tal-Punent mal-acquis soċjali tal-UE. Għaldaqstant, l-IPA II ser isir katalista għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-koeżjoni soċjali, ix-xogħol deċenti u l-impjiegi ta’ kwalità fir-reġjun.

2.   L-abbozz ta’ regolament tal-IPA II: l-elementi ewlenin

2.1

L-abbozz ta’ regolament dwar l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA II) jistabbilixxi l-qafas leġislattiv għall-istrument finanzjarju ġdid (IPA II), billi jieħu post dak attwali li ser jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2013.

2.2

L-istrument il-ġdid ta’ qabel l-adeżjoni jiffoka fuq il-ksib tar-riżultati tal-politika ta’ tkabbir u jgħin fil-promozzjoni tal-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità fl-Ewropa. L-istrument il-ġdid jappoġġja l-pajjiżi kandidati (2) u l-kandidati potenzjali (3) biex jissieħbu fl-UE hekk kif ikunu qed jippreparaw għal din is-sħubija.

2.3

Peress li l-iżvilupp soċjoekonomiku ta’ dawn il-pajjiżi (ħlief għall-Islanda) huwa baxx, u minħabba li hemm bżonn li jkunu ppreparati biex jiffaċċjaw l-isfidi globali u li jadattaw għall-isforzi tal-UE biex tindirizzahom, joħroġ biċ-ċar li hemm bżonn ta’ investimenti sostanzjali u orjentati lejn ir-riżultati biex dawn il-pajjiżi jitqarrbu lejn l-istandards tal-UE. L-abbozz ta’ regolament tal-IPA II joffri assistenza teknika u finanzjarja lil dawn l-istati għax waħedhom ma jistgħux jifilħu għall-ispejjeż u l-isforzi kollha neċessarji biex jilħqu l-kriterji għas-sħubija fl-UE.

2.4

Ir-referenza finanzjarja prevista fl-abbozz ta’ regolament dwar l-IPA II għall-perjodu 2014-2020 ser tkun ta’ madwar EUR 14-il biljun.

2.5

L-istrument il-ġdid huwa mfassal biex jippermetti aktar flessibbiltà u biex jissemplifika u jnaqqas il-piż amministrattiv involut fil-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja.

2.6

Is-semplifikazzjoni ser titlob li terġa’ tiġi organizzata mill-ġdid l-istruttura tal-komponent tal-assistenza tal-IPA fis-seħħ bħalissa, u dan jagħmilha possibbli li l-qafas leġislattiv jiġi semplifikat u jiġi pprovdut aċċess mhux divrenzjat għall-assistenza taħt kull qasam ta’ politika għal kull stat (kemm jekk ikun pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali). Mill-ħames komponenti tal-verżjoni ta’ qabel tal-istrument tal-IPA, tnejn biss qabel kienu miftuħin għall-pajjiżi kandidati potenzjali (Assistenza għat-tranżizzjoni u l-bini ta’ istituzzjonijiet u l-Kooperazzjoni transkonfinali), filwaqt li t-tlieta l-oħra kienu disponibbli biss għall-pajjiżi kandidati (Żvilupp Reġjonali, Żvilupp tar-riżorsi umani u Żvilupp Rurali).

3.   Kummenti speċifiċi dwar l-abbozz ta’ regolament IPA II

3.1

Flimkien mal-appoġġ għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tagħhom u l-libertajiet fundamentali u r-rispett imsaħħaħ lejn id-drittijiet tal-minoranzi, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni, il-libertà tal-istampa kif ukoll il-promozzjoni ta’ relazzjonijiet tajba ta’ viċinat, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwi li l-Artikolu 2(1)(a)(ii) ikun jinkludi l-promozzjoni tad-drittijiet soċjali u l-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli biex tiġi enfasizzata l-importanza li l-pajjiżi benefiċjarji għandhom jagħtu lil dawn id-drittijiet, u għaldaqstant jiġi żgurat il-bilanċ mitlub bejn l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tad-demokrazija u s-soċjetà ċivili.

3.2

Għaldaqstant, l-indikaturi proposti li jissemmew fl-Artikolu 2(2) għandhom jiġu adattati biex iqisu dawn l-emendi. Għalhekk wieħed mill-indikaturi għandu jkun il-livell ta’ żvilupp tas-soċjetà ċivili u l-kapaċità tal-imsieħba soċjali u ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra. Indikatur ieħor li għandu jiġi inkluż fl-abbozz ta’ regolament huwa r-rispett tad-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn gruppi vulnerabbli.

3.3

L-appoġġ mill-IPA għandu jgħin biex jingħelbu l-esklużjoni soċjali u d-differenzi li qegħdin dejjem jikbru fis-soċjetà u għandu jappoġġja l-aċċess minn gruppi u reġjuni esklużi soċjalment għall-fondi. Għaldaqstant, il-KESE jqis li, minbarra l-indikatur imsemmi fl-Artikolu 2(2)(1), għandu jiġi inkluż ukoll indikatur ieħor marbut mal-ġustizzja soċjali u l-istrateġiji tal-iżvilupp ekonomiku.

3.4

Il-KESE jqis li l-indikaturi kollha għandhom jimmiraw lejn il-ksib tar-riżultati u għandhom ikunu kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi.

3.5

Il-KESE jemmen ukoll li t-titjib tad-djalogu soċjali u l-appoġġ tal-iżvilupp tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali huma għanijiet importanti li għandhom jingħataw aktar enfasi fl-abbozz ta’ regolament. Is-sempliċi fatt li jissemmew l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u d-djalogu soċjali mhuwiex meqjus b’saħħtu u konvinċenti biżżejjed f’dan il-lat.

3.6

F’ħafna mill-pajjiżi benefiċjarji, l-imsieħba soċjali mhumiex żviluppati biżżejjed jew qed jiffaċċjaw sfidi enormi biex jaqdu r-rwol tagħhom, speċjalment f’nofs din il-kriżi ekonomika daqshekk ħarxa. L-assoċjazzjonijiet tan-negozji għandhom jiġu appoġġjati wkoll. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda ħafna li jsir investiment aktar strateġiku fl-appoġġ għall-iżvilupp tagħhom.

3.7

Il-KESE jieħu nota tal-importanza li l-abbozz ta’ regolament jagħti lill-kwistjoni tal-koordinazzjoni tad-donaturi sabiex tiżdied l-effettività u l-effiċjenza tat-twassil tal-assistenza u biex jiġi evitat il-finanzjament doppju. Madankollu, il-KESE jixtieq jara miżuri aktar speċifiċi li jistgħu jiġu adottati biex jiġi żgurat li l-koordinazzjoni tad-donaturi ssir b’mod effiċjenti kemm fil-livell tal-pajjiżi kif ukoll tal-UE.

4.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ regolament li jistabbilixxi Strument Ewropew ta’ Viċinat (ENI)

4.1

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir dan l-abbozz ta’ regolament u speċjalment l-approċċ “aktar għal aktar”, li jħeġġeġ lill-pajjiżi koperti mill-istrument (4) juru li qed jagħmlu progress sostenibbli lejn id-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet umani u l-liġi internazzjonali.

4.2

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta li l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għandhom ikunu objettivi trasversali fl-azzjonijiet kollha li jittieħdu fil-qafas tar-regolament propost.

4.3

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tinkludi l-Faċilità tas-Soċjetà Ċivili għall-pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea ta’ Viċinat u d-Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija fl-abbozz ta’ regolament.

4.4

Il-KESE jemmen li l-għan tas-sħubija mas-soċjetajiet rifless f’dan l-istrument għandu jissarraf fl-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-assistenza. Ir-“Rebbiegħa Għarbija” uriet kemm hu importanti li jiġu appoġġjati l-movimenti ċiviċi fil-viċinat tal-UE.

4.5

L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għandu jsir strument flessibbli biex tiżdied il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, biex dawn ikunu jistgħu jiflu l-politiki pubbliċi u jaqdu rwol sostanzjali fil-proċessi ta’ demokratizzazzjoni.

4.6

Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti pjattaformi għal djalogu bejn is-soċjetà ċivili u l-gvern fil-pajjiżi ġirien tal-UE, u huwa lest li jgħin lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jintlaħaq dan l-għan.

4.7

Il-KESE jirrakkomanda li d-Delegazzjonijiet tal-UE jidentifikaw b’mod komprensiv l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun, għax dan jista’ jgħin lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE biex jissodaw ir-relazzjonijiet ma’ soċjetà ċivili emerġenti.

4.8

Il-KESE jirrakkomanda li r-regolament dwar l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat jiffoka aktar fuq il-bini tal-kapaċità tal-istituzzjonijiet fil-pajjiżi msieħba li huma responsabbli milli jipprovdu l-assistenza, biex jiġi żgurat li dawn il-fondi jintużaw b’mod wiesa’, kif ukoll livell għoli ta’ trasparenza fl-użu tal-fondi.

4.9

Il-KESE jqis li l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għandu jtejjeb il-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni ogħla, speċjalment permezz ta’ skambji taż-żgħażagħ u l-istudenti bejn l-Unjoni u l-ġirien tagħha. L-istrument għandu jipprovdi opportunitajiet biex jinbnew netwerks li jtejbu l-kapaċità tal-NGOs fil-qasam taż-żgħażagħ fil-pajjiżi ġirien tal-UE.

4.10

Il-KESE jirrakkomanda li permezz ta’ dan l-istrument, il-Kummissjoni tippromovi wkoll politika industrijali sostenibbli, responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji, politiki u negozji li jkunu responsabbli lejn l-ambjent li jappoġġjaw lill-SMEs, l-indirizzar tal-kwistjonijiet tas-suq tax-xogħol u t-titjib tal-politiki soċjali.

5.   L-abbozz ta’ regolament tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat: l-elementi ewlenin

5.1

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) għandha l-għan li tistabbilixxi żona ta’ prosperità u ta’ viċinanza tajba fil-fruntieri tal-UE.

5.2

Għall-perjodu mill-2014 sal-2020, l-għanijiet tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ser ikomplu jkunu appoġġjati mill-UE permezz ta’ għodda finanzjarja apposta - l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI) - li se jissostitwixxi l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) stabbilit fl-2006.

5.3

L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat ser jipprovdi appoġġ akbar lill-imsieħba impenjati fil-bini ta’ soċjetajiet demokratiċi u fit-twettiq ta’ riformi, b’konformità mal-prinċipji ta’ “aktar għal aktar” u “responsabbiltà reċiproka”.

5.4

L-abbozz ta’ regolament tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat jinkludi dispożizzjonijiet biex jiġu ssemplifikati diversi aspetti tal-istrument, billi jinstab bilanċ bejn il-flessibbiltà u l-importanza mogħtija lill-objettivi tal-politika u l-oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni;

5.5

L-abbozz ta’ regolament tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat jippromovi l-kumplimentarjetà, il-koerenza u l-integrazzjoni ta’ oqsma ta’ politika prijoritarji, skont l-Istrateġija UE 2020, filwaqt li jibqa’ ffukat fuq l-objettivi ewlenin tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

5.6

L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għall-perjodu mill-2014 sal-2020 ser ikun ta’ madwar EUR 18-il biljun.

6.   Kummenti speċifiċi dwar l-abbozz ta’ regolament tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat

6.1

L-azzjoni esterna tal-UE taħt dan l-istrument timmira li jkollha impatt rifless f’bidliet tanġibbli fil-pajjiżi msieħba. Kull meta jkun possibbli, l-impatt għandu jiġi monitorjat permezz ta’ mekkaniżmu adegwat u valutat abbażi ta’ indikaturi definiti minn qabel speċifiċi għal kull pajjiż li jkunu ċari, trasparenti u li jistgħu jitkejlu: livelli li jkunu konkreti, jistgħu jitkejlu u jistgħu jiġu implimentati li fuqhom pajjiż jista’ jiġi valutat jekk ikunx qiegħed jirrispetta l-valuri demokratiċi li l-UE tixtieq tippromovi permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat.

6.2

Biex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ “aktar għal aktar”, parti adegwata mill-allokazzjoni tal-baġit totali taħt dan l-istrument għandha titwarrab għall-inċentivi biex jiġi pprovdut appoġġ akbar lil pajjiżi msieħba li juru progress fil-bini jew il-konsolidazzjoni ta’ demokrazija profonda u sostenibbli. Barra minn hekk, dan il-prinċipju għandu jiġi implimentat b’mod li jqis ukoll il-gruppi vulnerabbli f’dawn il-pajjiżi u m’għandux iwassal għal qtugħ fl-assistenza għall-iżvilupp lil pajjiżi individwali iżda għal distribuzzjoni mill-ġdid tal-assistenza mill-gvern lejn is-soċjetà ċivili.

6.3

Id-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jingħataw ukoll rwol ikbar fil-kooperazzjoni ma’ donaturi internazzjonali oħra. Id-dokumenti msemmijin fl-Artikoli 7(1) u (2) għandhom jinkludu tabelli tad-donaturi aġġornati u dettaljati, u għandhom jiddeskrivu l-passi li jridu jittieħdu biex tittejjeb il-koordinazzjoni tad-donaturi, b’mod partikolari bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha.

6.4

Skont l-abbozz ta’ regolament, fir-relazzjonijiet mal-imsieħba tagħha madwar id-dinja, l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tippromovi x-xogħol deċenti u r-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni effettiva ta’ standards tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment. Il-qerda tat-tħaddim tat-tfal u l-importanza ta’ ftehimiet ambjentali multilaterali għandha tiġi enfasizzata wkoll.

6.5

L-abbozz ta’ regolament għandu jkun aktar espliċitu f’termini tat-tisħiħ tar-responsabbiltà domestika u tal-istabbiliment ta’ mekkaniżmu istituzzjonalizzat ta’ konsultazzjoni u monitoraġġ mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba ambjentali u soċjali u atturi mhux statali oħra.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Fejn dan huwa permess taħt ir-Regolament Finanzjarju ġdid.

(2)  Il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Islanda, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija.

(3)  L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo.

(4)  Ir-reġjun tal-Euromed u l-ġirien tal-Lvant.


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja”

COM(2011) 844 — 2011/0412 (COD)

2013/C 11/17

Relatur ġenerali: is-Sur IULIANO

Nhar il-25 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja

COM(2011)844 – 2011/0412(COD)

Nhar is-17 ta’ Settembru 2012, il-Bureau tal-Kumitat ta struzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-15 ta’ Novembru) li jaħtar lis-Sur Iuliano bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’152 voti favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE japprezza l-firxa wiesgħa tad-drittijiet koperti mill-emendi tal-PE, b’enfasi partikolari fuq il-kwistjonijiet tal-ġeneru, id-drittijiet tal-migranti, il-ħtieġa li tiġi assigurata l-inklużjoni tal-persuni b’diżabbiltà, u d-drittijiet tal-minoranzi.

1.2

Il-KESE jappoġġja r-referenza għal approċċ globali li l-Unjoni għandha tadotta meta titratta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, fosthom l-indiviżibbiltà tagħhom (1). Fuq din il-bażi, il-KESE jitlob li tingħata aktar importanza lid-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali; il-ħarsien tal-istandards tax-xogħol imniżżla fil-konvenzjonijiet tal-ILO issa huwa aktar minn qabel pilastru ewlieni għall-iżvilupp tad-demokrazija.

1.3

Il-KESE jappoġġja l-inklużjoni tad-dritt għax-xogħol u t-tgawdija ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli, fosthom il-formazzjoni ta’ trejdjunjins u s-sħubija magħhom marbutin mal-promozzjoni ta’ standards essenzjali tax-xogħol u r-responsabbiltà soċjali korporattiva (2). Dwar l-aħħar punt, għandha ssir referenza espliċita għall-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozji u d-Drittijiet tal-Bniedem (3). Il-KESE jappoġġja wkoll il-promozzjoni tad-dritt tal-libertà intraprenditorjali.

1.4

Fuq din il-bażi, għandhom jissemmew b’mod espliċitu l-libertà tal-assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv, kif ukoll l-appoġġ għall-imsieħba soċjali u għad-djalogu soċjali biex tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali tax-xogħol.

1.5

Il-KESE huwa sodisfatt li qed tingħata importanza akbar lill-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili indipendenti, li ser tikkontribwixxi għad-demokratizzazzjoni u l-proċessi ta’ governanza tajba fosthom ir-responsabbiltà domestika (4). Għaldaqstant, ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandu jingħata prijorità u għandu jissaħħaħ b’dan ir-regolament (fil-livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali), inkluż il-parteċipazzjoni diretta tagħhom fid-djalogu ta’ politiki waqt il-proċess ta’programmazzjoni (5).

1.6

Il-KESE jiddefendi l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tad-delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi msieħba peress li dawn id-delegazzjonijiet dejjem aktar qed jiġu bżonn għarfien espert rilevanti fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tal-appoġġ għad-demokrazija, kif ukoll familjarità mal-iżvilupp tas-soċjetà ċivili (6). Barra minn hekk, ir-rwol tad-delegazzjonijiet ser ikun kruċjali biex jiżgura koerenza ma’ strumenti oħra tar-relazzjonijiet esterni tal-UE bħad-DCI jew il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) fir-rigward tal-appoġġ għas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali.

1.7

Il-KESE jappoġġja l-appell għal proċeduri aktar flessibbli li għandhom ikunu aċċessibbli biżżejjed għall-benefiċjarji u għandhom iwasslu għal tnaqqis fil-piż amministrattiv (speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza) (7).

1.8

Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġi involut ukoll fil-proċess ta’ programmazzjoni tal-istrument, b’mod speċjali fil-programmazzjoni strateġika annwali u pluriennali u fil-valutazzjonijiet u r-reviżjoni ta’ nofs it-term.

2.   Sfond

2.1

Wara konsultazzjoni mill-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) ħejja din l-Opinjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament li jistabbilixxi strument finanzjarju għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja  (8).

2.2

Bħalissa din il-proposta qed tiġi studjata mill-Parlament Ewropew (PE) (9) skont il-proċedura tal-kodeċiżjoni, fl-ewwel qari.

2.3

F’dan il-kuntest, il-PE diġà ppropona diversi emendi li ser ikunu soġġetti għan-negozjati bejn il-PE u l-Kunsill. L-adozzjoni finali tar-regolament propost hija skedata għall-2013, u tidħol fis-seħħ fl-2014.

2.4

Dan ir-regolament huwa maħsub li jieħu post il-bażi legali attwali tal-istrument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja (EIDHR) (10), l-istrument finanzjarju tal-UE ddedikat għall-appoġġ tal-attivitajiet li huma favur il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-pajjiżi terzi.

2.5

Il-KESE ħadem reċentement fuq dan is-suġġett billi approva Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-EIDHR fl-2009 (11), billi għamel reviżjoni tal-istrument u pprovda rakkomandazzjonijiet speċifiċi.

2.6

B’din l-Opinjoni, il-KESE għandu l-ħsieb li jibni fuq dawk ir-rakkomandazzjonijiet, ifassal aktar proposti dwar ir-regolament propost, u jikkunsidra l-emendi li tressqu reċentement mill-PE.

3.   Kummenti addizzjonali

3.1

Kif kien għamel fl-Opinjoni preċedenti (12), f’dan ir-rapport il-KESE jtenni l-ħtieġa li tingħata importanza akbar lid-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali fil-politiki tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali permezz tal-użu tal-istrumenti tematiċi disponibbli, bħal dan l-istrument il-ġdid għall-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Fil-fatt, id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali spiss jistgħu jkunu l-punt ta’ tluq għal appoġġ sussegwenti għad-drittijiet ċivili u politiċi. Kif indikat il-KE (13), il-globalizzazzjoni, u avvenimenti reċenti bħar-Rebbiegħa Għarbija ħarġu fid-dieher il-fatt li l-inugwaljanzi, id-diskriminazzjoni u l-esplojtazzjoni huma l-isfidi l-ġodda għall-promozzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem. Il-ħarsien tad-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet kollha marbutin miegħu mniżżla fil-konvenzjonijiet tal-ILO, huma aktar minn qabel pilastri ewlenin f’dan ir-rigward. Fuq din il-bażi, il-libertà tal-assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv għandhom jissemmew b’mod espliċitu f’dan ir-regolament, kif ukoll l-appoġġ għall-imsieħba soċjali u għad-djalogu soċjali (14) biex tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali tax-xogħol (15). Fl-istess ħin, il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi promoss id-dritt tal-libertà intraprenditorjali, bħala prinċipju ewlieni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali.

3.2

Il-KESE jagħti valur għoli lill-importanza ta’ dan l-istrument tematiku li, minħabba l-indipendenza tiegħu, huwa essenzjali għall-preżervazzjoni tal-awtonomija u d-dritt tal-inizjattiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili meta jkunu qed jindirizzaw il-ksur tad-drittijiet umani u favur il-promozzjoni u l-preżervazzjoni ta’ demokrazija ġenwina. Kif qalet sew il-KE fil-Komunikazzjoni reċenti tagħha dwar L-għeruq ta’ demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni  (16)“Soċjetà ċivili mogħtija s-setgħa hija element essenzjali ta’ kwalunkwe sistema demokratika u huwa ta’ vantaġġ fih innifisu. Hija tirrappreżenta u trawwem il-pluraliżmu u tista’ tikkontribwixxi għal politika aktar effettiva, u żvilupp ekwu u sostenibbli u tkabbir inklussiv. Hija għandha rwol importanti fit-trawwim tal-paċi u fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti. Billi jartikolaw it-tħassib taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs) huma attivi fl-arena pubblika, u jwettqu inizjattivi sabiex isaħħu d-demokrazija parteċipattiva”. Għaldaqstant, il-KESE jappella biex din ir-riżoluzzjoni tipprijoritizza l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inkluża l-parteċipazzjoni diretta tagħhom fil-mekkaniżmi tad-djalogu dwar il-politiki fil-livell tal-pajjiż, tar-reġjun u dak globali, waqt il-proċessi ta’ programmazzjoni ta’ dan l-istrument.

3.3

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li nimxu lejn qafas aktar koerenti għall-programmi ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi ħdan l-istrument li huwa s-suġġett ta’ din l-Opinjoni, id-DCI (programmi ġeografiċi u tematiċi) u l-EDF. Għaldaqstant nappellaw għal mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni interna msaħħa waqt il-fażi ta’ programmazzjoni fost il-korpi kkonċernati, bħall-SEAE, id-DEVCO u l-Istati Membri stess. Dan huwa partikolarment veru fil-livell tal-pajjiż, fejn id-delegazzjonijiet tal-UE għandu jkollhom rwol kruċjali fl-assigurazzjoni tal-koerenza u l-komplementarjetà bejn il-programmi differenti li jappoġġjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva li jiġu żviluppati Pjani direzzjonali tal-UE għall-impenn mal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (17) fil-livell tal-pajjiż li għandu jattiva u jassigura djalogu strutturat u kooperazzjoni strateġika, filwaqt li jiżdiedu l-koerenza u l-impatt tal-azzjonijiet tal-UE.

3.4

Fuq din il-bażi, huwa fundamentali li tiġi provduta kapaċità adegwata fil-livell tad-delegazzjoni sabiex ikun hemm interazzjoni sħiħa mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jiġu mifhuma l-atturi varji u r-rwoli speċifiċi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u b’hekk jiġi assigurat impenn aktar strateġiku. Il-Komunikazzjoni tal-KE stess tiddikjara li “Immappjar regolari u parteċipatorju huwa rrakkomandat, li jkopri d-diversità ta’ atturi u jkopri n-netwerks u l-pjattaformi fuq livelli nazzjonali/settorjali.” (18) Il-KESE jaqbel għal kollox ma’ dan l-approċċ, u jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati skemi ta’ djalogu inklussivi u trasparenti ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u rappreżentattivi fil-livell tal-pajjiż.

3.5

Fl-aħħar, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltà li jiġi involut ukoll fil-fażi ta’ programmazzjoni tal-istrument, b’mod partikolari fil-programmazzjoni strateġika annwali u pluriennali u fil-valutazzjonijiet u r-reviżjoni ta’ nofs it-term. B’hekk, ikun jista’ jgħaddi r-riżultati tal-ħidma li qed iwettaq lill-imsieħba tas-soċjetà ċivili organizzata fil-pajjiżi terzi, li magħhom għandu rabtiet privileġġjati (Round table UE-Indja, iż-żona Ewro-Mediterranja, il-pajjiżi tal-AKP, l-Amerika Latina eċċ). Jitlob ukoll li jiġi kkonsultat fil-qafas tal-valutazzjonijiet u r-reviżjonijiet ta’ nofs it-term tal-istrument.

3.6

Il-KESE jrid jaqdi rwol attiv f’dan il-proċess, fuq il-bażi tal-esperjenza tiegħu u n-“netwerks” ta’ konsultazzjoni tiegħu (imsieħba ekonomiċi u soċjali madwar id-dinja u kunsilli ekonomiċi u soċjali fejn huma attivi u rappreżentattivi).

3.7

Il-KESE jista’ jaqdi rwol importanti wkoll fir-rigward tas-soċjetà ċivili organizzata fil-qasam tas-segwitu li jsir wara l-elezzjonijiet, biex isaħħaħ is-sistemi demokratiċi.

3.8

Tliet snin ilu l-KESE waqqaf Kumitat ta’ Monitoraġġ tal-EIDHR li kellu bħala missjoni: (i) jirrispondi għat-talbiet urġenti ta’ konsultazzjoni fil-qasam tal-proċeduri l-ġodda stabbiliti għall-istrumenti finanzjarji, u (ii) jissorvelja l-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-EIDHR. Il-Kumitat ta’ Monitoraġġ kien inkarigat ukoll biex janalizza l-istrumenti l-oħra tal-UE li jaħdmu f’pajjiżi terzi u kellu kooperazzjoni effettiva mal-Kummissjoni u l-Parlament. Il-Kumitat attwali jista’ jiżviluppa f’sottokumitat aktar strutturat tal-KESE li jista’ jikkollabora ma’ programmi differenti ta’ appoġġ disponibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili taħt l-istrumenti finanzjarji varji tal-UE.

Brussell, 15 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-Pożizzjoni għan-negozjati tal-Parlament Ewropew għall-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, Kumitat għall-Affarijiet Barranini, relatur: Alexander Graf Lambsdorff". Paragrafu 6.

(2)  Ara l-Pożizzjoni għan-negozjati tal-Parlament Ewropew Artikolu 2(1) (b)(ix).

(3)  http://www.ohchr.org/documents/issues/business/A.HRC.17.31.pdf.

(4)  Ara l-Pożizzjoni għan-negozjati tal-Parlament Ewropew, Paragrafu 9.

(5)  Ara l-Pożizzjoni għan-negozjati tal-Parlament Ewropew, Paragrafu 11a.

(6)  Ara l-Pożizzjoni għan-negozjati tal-Parlament Ewropew, Paragrafu 15a.

(7)  Ara l-Pożizzjoni għan-negozjati tal-Parlament Ewropew, Paragrafu 16d.

(8)  COM(2011) 844.

(9)  Ara l-Pożizzjoni għan-negozjati tal-Parlament Ewropew.

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1889/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment ta’ strument ta’ finanzjament għall-promozzjoni tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja. ĠU L 386/1, 29.12.2006.

(11)  Ara l-Opinjoni tal-KESE: L-istrument Ewropew għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem (EIDHR), relatur: Giuseppe Iuliano. ĠU C 182, 4.8.2009, p. 13.

(12)  Ara l-Opinjoni tal-KESE ĠU C 182, 4.8.2009, p. 13.

(13)  Komunikazzjoni konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Id-Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija fil-Qalba tal-Azzjoni Esterna tal-UE –lejn approċċ aktar effettiv, COM(2011) 886.

(14)  Kif il-KESE indika diġà “id-djalogu soċjali jrid jiġi indikat b’mod espliċitu bħala prijoritarju bħala strument sħiħ, tal-parteċipazzjoni tar-rappreżentazzjoni kif ukoll tal-konċiljazzjoni tal-gruppi ta’ interess, li f’dan il-każ huma l-partijiet soċjali (min iħaddem u ħaddiema). Id-djalogu soċjali huwa mezz li jippermetti t-tlaqqigħ tal-interessi tal-partijiet, li fuq il-bażi tagħhom il-partijiet jilħqu ftehim. Għalhekk dan il-proċess fih il-prinċipju tal-ugwaljanza tar-rappreżentanza, kif ukoll l-affermazzjoni tal-prinċipji bażiċi tad-demokrazija. Għalhekk, id-djalogu soċjali huwa prova konkreta tal-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, li kif jgħid l-istess regolament tal-EIDHR “huma l-kundizzjonijiet għall-pluraliżmu politiku u l-proċess demokratiku”.” Ara l-Opinjoni tal-KESE Nru 53/2009, punt 5.2, paġna 9.

(15)  F’dan ir-rigward nixtiequ nindikaw li d-djalogu soċjali kien diġà ġie integrat fid-Dokument ta’ Strateġija EIDHR 2011-2013, u “id-dritt ta’ assemblea u assoċjazzjoni paċifika, inkluż id-dritt li jiġu ffurmati trejdjunjins u s-sħubija magħhom u d-dritt għan-negozjar kollettiv” kien inkluż fil-Pjan ta’ Azzjoni Annwali tal-EIDHR 2011.

(16)  COM(2012) 492 final.

(17)  L-għeruq ta’ demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-soċjetà ċivili fir-relazzjonijiet esterni COM(2012) 492 final, p. 9.

(18)  COM(2012) 492 final.


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għat-taxxa fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE”

COM(2012) 465 final — 2011/0341/b (COD)

2013/C 11/18

Nhar il-11 ta’ Settembru 2012 u nhar it-18 ta’ Ottubru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 114 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għat-taxxa fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (Fiscalis 2020) u jirrevoka d-Deċiżjoni Nru 1482/2007/KE

COM(2012) 465 final – 2011/0341/b (COD).

Billi l-Kumitat diġà ta fehmtu dwar il-kontenut ta’ din il-proposta fl-Opinjoni tiegħu adottata fit- 22 ta’ Frar 2012 (1), iddeċieda, matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru), b’ 147 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 12 astensjonijiet, li ma jfassalx opinjoni ġdida dwar il-kwistjoni, iżda li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokument imsemmi.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Regolament tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ azzjoni għad-dwana u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020 (FISCUS) u r-revoka tad-Deċiżjonijiet Nru 1482/2007/KE u Nru 624/2007/KE”, ĠU C 143, 22.5.2012, p. 48


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji fil-meded (żoni) tas-sajd u jemenda r-Regolament (KE) Nru 88/98”

COM(2012) 447 final — 2012/216 (COD)

2013/C 11/19

Nhar it-8 ta’ Awwissu 2012 u nhar l-10 ta’ Settembru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 812/2004 li jippreskrivi miżuri li jikkonċernaw qabdiet inċidentali ta’ ċetaċji fil-meded (żoni) tas-sajd u jemenda r-Regolament (KE) Nru 88/98

COM(2012) 447 final – 2012/216 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti, iddeċieda, matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), b’140 vot favur, l-ebda vot kontra u 10 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill: Il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom (Riformulazzjoni)”

COM(2012) 403 final - 2012/0196 (COD)

2013/C 11/20

Nhar il-11 ta’ Settembru 2012 u nhar it-12 ta’ Settembru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom

COM(2012) 403 final – 2012/196 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), b’151 vot favur u 5 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/86


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar”

COM(2012) 432 final — 2012/0208 (COD)

2013/C 11/21

Nhar il-11 ta’ Settembru 2012 u nhar is-17 ta’ Settembru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar

COM(2012) 432 final – 2012/0208 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti, iddeċieda, matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), b’143 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/86


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea”

COM(2012) 413 final — 2012/0201 (COD)

2013/C 11/22

Nhar il-11 ta’ Settembru 2012 u nhar it-3 ta’ Settembru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea

COM(2012) 413 final – 2012/0201 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti, iddeċieda, matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), b’150 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 6 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-president tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fejn tiċċara d-dispożizzjonijiet dwar l-għażla taż-żmien tal-irkant tal-kwoti tal-gassijiet serra”

COM(2012) 416 final - 2012/0202 (COD)

2013/C 11/23

Nhar il-11 ta’ Settembru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċiedew, b'konformità mal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE fejn tiċċara d-dispożizzjonijiet dwar l-għażla taż-żmien tal-irkant tal-kwoti tal-gassijiet serra

COM(2012) 416 final – 2012/0202 (COD).

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti, iddeċieda, matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), b'61 vot favur, 9 voti kontra u 4 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti miżuri tekniċi u ta’ kontroll fi Skagerrak u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/98 u r-Regolament (KE) Nru 1342/2008”

COM(2012) 471 final — 2012/0232 (COD)

2013/C 11/24

Nhar il-11 ta’ Settembru 2012 u nhar it-12 ta’ Settembru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċiedew, b'konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti miżuri tekniċi u ta’ kontroll fi Skagerrak u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/98 u r-Regolament (KE) Nru 1342/2008

COM(2012) 471 final – 2012/0232 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u li m'hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru 2012), b'157 vot favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE li tirrigwarda l-għasel”

COM(2012) 530 final — 2012/0260 (COD)

2013/C 11/25

Nhar it-22 ta’ Ottubru 2012 u nhar l-4 ta’ Ottubru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE li tirrigwarda l-għasel

COM(2012) 530 final – 2012/0260 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti, iddeċieda, matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru), b’150 vot favur, l-ebda vot kontra u 8 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


15.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 11/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-“Emenda għall-proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 628 final/2 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni”

COM(2012) 551 final — 2012/0260 (COD)

2013/C 11/26

Nhar il-5 ta’ Ottubru 2012 u nhar l-10 ta’ Ottubru 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

l-Emenda għall-proposta tal-Kummissjoni COM(2011) 628 final/2 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni

COM(2012) 551 final – 2012/0260 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti, iddeċieda, matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru), b’149 vot favur, 3 voti kontra u 9 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON