ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2013.006.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 6

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 56
10ta' Jannar 2013


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Qorti tal-Awdituri

2013/C 006/01

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

1

2013/C 006/02

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

9

2013/C 006/03

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

18

2013/C 006/04

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

27

2013/C 006/05

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

36

2013/C 006/06

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

46

2013/C 006/07

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

56

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti tal-Awdituri

10.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 6/1


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2013/C 6/01

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta ARTEMIS, li tinsab fi Brussell, twaqqfet f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin.

2.

L-objettiv prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li tiddefinixxi u timplimenta "Aġenda għar-Riċerka" għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin għas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter f’oqsma differenti ta’ applikazzjoni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u s-sostenibbiltà, u tippermetti l-ħolqien ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà (2).

3.

Il-Membri Fundaturi tal-Impriża Konġunta ARTEMIS huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit, u ARTEMISIA, assoċjazzjoni li tirrappreżenta kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra tar-riċerka li huma attivi fil-qasam tas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter fl-Ewropa. Fl-2009, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja u n-Norveġja saru wkoll membri tal-Impriża Konġunta.

4.

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE għall-Impriża Konġunta ARTEMIS biex jiġu koperti l-ispejjeż operazzjonali u l-attivitajiet ta’ riċerka hija ta’ EUR 420 miljun li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru (3). L-assoċjazzjoni ARTEMISIA għandha tagħmel kontribuzzjoni massima ta’ mhux aktar minn EUR 30 miljun għall-ispejjeż operazzjonali. L-Istati Membri fl-ARTEMIS għandhom jagħmlu kontributi in natura għall-ispejjeż operazzjonali (billi jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-proġetti), u jipprovdu kontribuzzjonijiet finanzjarji li jammontaw għal mill-inqas 1,8 darbiet tal-kontribuzzjoni tal-UE. Kontributi in natura għandhom jiġu pprovduti wkoll mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka li jipparteċipaw fil-proġetti.

5.

L-Impriża Konġunta bdiet taħdem b’mod awtonomu fis-26 ta’ Ottubru 2009.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

7.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Impriża Konġunta ARTEMIS, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

8.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7).

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

9.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (8). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (9) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (10) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

10.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

11.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC (11) u l-ISSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti etiċi u professjonali u li tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet ikunux ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

12.

L-awditu (verifika) tal-Qorti jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) tal-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula, inkluża l-valutazzjoni tagħha tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball, jiddependu fuq il-ġudizzju tagħha tal-awditu (verifika). Meta jsiru dawn il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet mill-entità sabiex jitfasslu l-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. L-awditu (verifika) tal-Qorti jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula mill-maniġment, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

13.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha.

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

15.

L-istrateġija ta’ verifika ex-post  (12) tal-Impriża Konġunta ġiet adottata minn deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija fil-25 ta’ Novembru 2010 u hija kontroll ewlieni (13) għal valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-pagamenti li saru fl-2011 relatati ma’ ċertifikati tal-aċċettazzjoni tal-ispejjeż li nħarġu mill-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali tal-Istati Membri (NFAs) ammontaw għal EUR 4,8 miljun, li jirrappreżenta 32 % tat-total ta’ pagamenti operazzjonali. L-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-verifika ex post bdiet fl-2011.

16.

Il-verifika tal-klejms għall-ispejjeż tal-proġetti ġiet iddelegata lill-NFAs tal-Istati Membri. Il-ftehimiet amministrattivi ffirmati mal-NFAs ma jinkludux l-arranġamenti prattiċi għall-verifiki ex post. Sat-tmiem tal-verifika (Settembru 2012), ARTEMIS kienet għadha ma rċevitx biżżejjed informazzjoni relatata mal-istrateġiji tal-verifika ta’ tmienja mill-NFAs (14) u ma kinitx f’pożizzjoni li tivvaluta jekk l-istrateġija tal-verifika ex post tipprovdix assigurazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom hija bbażata (15).

17.

L-informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-verifika ex post tal-Impriża Konġunta mhijiex biżżejjed biex tintlaħaq konklużjoni dwar jekk dan il-kontroll ewlieni hux qed jiffunzjona b’mod effettiv.

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

18.

Fl-opinjoni tal-Qorti, ħlief għall-effetti possibbli tal-kwistjoni deskritta fil-bażi għal opinjoni kwalifikata fil-paragrafi 15 sa 17, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

19.

Il-kummenti segwenti fil-paragrafi 20 sa 35 ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

20.

Għal kuntrarju tar-regoli finanzjarji ta’ ARTEMIS (16), il-baġit 2011 tal-Impriża Konġunta ma jirriflettix approprjazzjonijiet ta’ pagament differenzjati għan-nefqa operazzjonali.

21.

Il-baġit 2011 ġie adottat fil-25 ta’ Novembru 2010 u kien jinkludi approprjazzjonijiet operazzjonali li ammontaw għal EUR 46,6 miljun. Fis-17 ta’ Diċembru 2011 ġie adottat baġit emendatorju fejn l-approprjazzjonijiet operazzjonali tnaqqsu għal EUR 18,6 miljun. Filwaqt li r-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn operazzjonali kienet 100 % (b’riżultat tat-tnaqqis tal-approprjazzjonijiet operazzjonali għal EUR 18,6 miljun), ir-rata għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet biss 51 %.

22.

Skont il-maniġer tal-programm, l-estimi għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sejħa għall-proposti għall-2008, 2009 u 2010 fi tmiem is-sena ammontaw għal 86 %, 53 % u 18 % rispettivament. Madankollu, il-pagamenti li fil-fatt saru taħt is-sejħa tal-2008 kienu biss 50 %, 31 % għas-sejħa tal-2009 u ma kien sar l-ebda pagament taħt is-sejħa tal-2010. Skont l-Impriża Konġunta, ir-rata ta’ implimentazzjoni relattivament baxxa ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament operazzjonali, hija konsegwenza tad-dewmien fil-livell tal-Istati Membri fl-iffirmar tal-ftehimiet ta’ għotjiet nazzjonali.

23.

Kuntrarju għall-Istatuti tal-Impriża Konġunta ARTEMIS (17), il-Greċja qed tuża l-fondi strutturali tal-UE biex tkopri l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħha lill-benefiċjarji Griegi tal-proġetti ARTEMIS (18) minflok ma tipprovdi finanzjament nazzjonali. L-Impriża Konġunta Artemis aċċettat il-kontinwazzjoni tal-parteċipazzjoni Griega fil-proġetti ARTEMIS iżda l-ebda finanzjament mhu qed jiġi pprovdut mill-Impriża Konġunta lill-benefiċjarji Griegi peress li l-kofinanzjar ma’ sors ieħor ta’ finanzjament mill-UE mhuwiex permess (19).

24.

L-Impriża Konġunta qed tuża riport mhux awtomatiku ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għas-sena finanzjarja li jmiss, iżda mingħajr deċiżjoni tal-Bord ta’ tmexxija kif meħtieġ mill-Artikolu 10(1) tar-regoli finanzjarji (20). Barra minn hekk, ma ssir l-ebda distinzjoni bejn approprjazzjonijiet ta’ pagament riportati minn snin preċedenti u approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali.

Sejħiet għall-proposti

25.

Ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Artemis ppreveda baġit totali massimu ta’ EUR 420 miljun biex ikopri n-nefqa operazzjonali. L-imlimentazzjoni proprja u l-valur previst tas-sejħiet għall-proposti jirrappreżentaw EUR 244 miljun jew 58 % tal-baġit totali.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

26.

Matul L-2011 l-Impriża Konġunta intensifikat l-isforzi tagħha biex tistabbilixxi u timplimenta proċeduri ta’ kontroll finanzjarju, ta’ kontabilità u ta’ ġestjoni li huma effettivi. Madankollu jinħtieġ aktar xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards ta’ kontroll intern (21) u l-verifikazzjoni finanzjarja tal-klejms ta’ spejjeż (22).

27.

L-Uffiċjal tal-Kontabilità vvalida s-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità użati, iżda għadu ma vvalidax il-proċessi tan-negozju ta’ bażi li jipprovdu informazzjoni finanzjarja, b’mod partikolari dak li jipprovdi informazzjoni finanzjarja dwar il-validazzjoni u l-pagamenti tal-klejms ta’ spejjeż irċevuti mill-awtoritajiet nazzjonali.

KWISTJONIJIET OĦRA

Kapaċità tal-Verifika Interna u Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni

28.

L-Artikolu 62 tar-Regolament li jistabbilixxi l-ARTEMIS jistipola li l-Impriża Konġunta għandha jkollha l-kapaċità ta’ verifika interna. Madankollu, fi tmiem l-2011, dan l-element importanti tas-sistema ta’ kontroll intern kien għadu ma ġiex stabbilit.

29.

Fl-2011 is-Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni wettaq eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju u l-pjan strateġiku tal-verifika għall-2012-2014 ġie ppreżentat lill-Bord ta’ Tmexxija għall-adozzjoni fil-25 ta’ Jannar 2012.

30.

Il-karta tal-missjoni tas-Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Bord ta’ tmexxija fil-25 ta’ Novembru 2010. Madankollu, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta s’issa għadhom ma ġewx emendati biex jinkludi d-dispożizzjoni tar-Regolament Strutturali (Qafas) (23) li jirreferi għas-setgħat tal-Awditur Intern tal-Kummissjoni.

Rapport ta’ attività annwali

31.

Skont l-Artikoli 194 tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta u l-Artikolu 40 tar-Regoli Finanzjarji tagħha, id-Direttur Eżekuttiv huwa meħtieġ li jfassal rapport ta’ attività annwali. Ir-rapport ta’ attività annwali għandu jindika r-riżultati tal-operazzjonijiet b’referenza għall-objettivi stabbiliti, ir-riskji assoċjati ma’ dawn l-operazzjonijiet, l-użu li jkun sar tar-riżorsi pprovduti u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern. Huwa għandu jikkonferma wkoll li l-informazzjoni li tinsab fir-rapport tippreżenta fehma vera u ġusta ħlief kif speċifikat mod ieħor fi kwalunkwe riżerva relatata ma’ oqsma definiti ta’ dħul u nfiq.

32.

Għalkemm ir-rapport ta’ attività annwali jipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati tal-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta, huwa ma jinkludix valutazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern. Ir-rapport ta’ attività annwali fih id-dgħufijiet li ġejjin:

Nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ verifika ex-post, li mhix suffiċjenti biex jiġi konkluż jekk dan il-kontroll ewlieni hux qed jiffunzjona b’mod effettiv u kellu jwassal għal riżerva.

Ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni dwar il-validazzjoni parzjali tas-sistemi finanzjari u ta’ kontabilità mill-uffiċjal tal-kontabilità. L-uffiċjal tal-kontabilità vvalida biss il-parti li hija taħt il-kontroll dirett tal-Impriża Konġunta iżda mhux is-sistemi li jipprovdu informazzjoni mill-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Finanzjament.

Hemm differenzi mhux spjegati bejn iċ-ċifri ta’ implimentazzjoni baġitarja inklużi fir-Riżultat dwar approprjazzjonijiet ta’ pagament tar-rapport ta’ attività annwali u ċ-ċifri ta’ implimentazzjoni baġitarja inklużi fil-Kontjiet Finali.

Segwitu tal-osservazzjonijiet preċedenti

33.

Matul l-2011 l-Impriża Konġunta stabbilixxiet Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju u għamlet progress fil-formalizzazzjoni tal-politiki tas-sigurtà tal-IT. Jinħtieġ li jsir aktar xogħol biex jiġi ffinalizzat il-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru.

34.

B’kuntrarju għar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ARTEMIS (24), l-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali s’issa għadhom ma ddikjaraw ebda mgħax bankarju ġġenerat fuq pagamenti ta’ prefinanzjament.

35.

Il-Ftehim mal-Istat Ospitanti (25) bejn l-Impriża Konġunta u l-awtoritajiet Belġjani dwar spazju għall-uffiċċji, privileġġi u immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jingħata ġie ffirmat fit-2 ta’ Frar 2012.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-15 ta’ Novembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-"Impriża Konġunta ARTEMIS" għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52).

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta. Huwa jiġi ppreżentat għal-skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Is-Seba’ Programm Kwadru, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1), jiġbor flimkien taħt saqaf wieħed l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka u għandu rwol kruċjali fil-kisba tal-miri ta’ tkabbir, kompetittvità u impjieg. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(4)  Il-Qorti rċeviet il-kontijiet annwali proviżorji fl-1 ta’ Marzu 2012. Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet.

(5)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u l-anness għar-rapporti finanzjarji, li jinkludi deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(9)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(10)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-korpi tal-UE huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

(11)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(12)  Il-ftehim ta’ finanzjament ġenerali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Impriża Konġunta jiddikjara li l-Impriża Konġunta fil-bord kompetenti tagħha, tadotta l-istrateġija ta’ verifika ex-post tagħha bil-għan li tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u li l-istrateġija tal-verifika ex-post għandha tkun ibbażata fuq eżami tal-proċeduri u ta’ kampjun tat-tranżazzjonijiet għall-benefiċjarji kollha jew għal kampjun tagħhom u għandha, b’mod partikolari, tirrifletti adegwatament ir-riskji involuti.

(13)  L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 74/2008 jiddikjara li “L-Impriża Konġunta ARTEMIS għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha ikunu adegwatament protetti billi twettaq jew tqabbad lil min iwettaq kontrolli interni u esterni adatti” u “L-Impriża Konġunta ARTEMIS għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki finanzjarji fost id-destinatarji tal-finanzjament pubbliku tal-Impriża Konġunta ARTEMIS. Dawn il-kontrolli u l-verifiki għandhom isiru direttament mill-Impriża Konġunta ARTEMIS jew mill-Istati Membri fl-ARTEMIS f’isimha. L-Istati Membri fl-ARTEMIS jistgħu jwettqu kwalunkwe kontroll u verifika oħra fost id-destinatarji tal-finanzjament nazzjonali tagħhom li huma jqisu meħtieġa u għandhom jikkomunikaw ir-riżultati lill-Impriża Konġunta ARTEMIS.”

(14)  Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-dokumentazzjoni li waslet s’issa mhijiex biżżejjed biex l-Impriża Konġunta tkun tista’ tivvaluta dawn l-istrateġiji u l-implimentazzjoni tagħhom peress li ma jingħata l-ebda dettall dwar l-arranġamenti tal-verifika (jiġifieri approċċ u metodoloġija tal-verifika, daqs tal-kampjun, it-tip ta’ kontrolli finanzjarji li għandhom jitwettqu mill-NFAs eċċ.).

(15)  Skont l-istrateġija tal-verifika ex post adottata mill-Bord ta’ Tmexxija ta’ ARTEMIS l-Impriża Konġunta għandha tivvaluta mill-inqas darba fis-sena jekk l-informazzjoni li tirċievi mill-Istati Membri tal-ARTEMIS tipprovdix assigurazzjoni suffiċjenti fir-rigward tar-regolarità u l-legalità tat-tranżazzjonijiet esegwiti. Sat-tmiem tal-verifika erbgħa biss mill-Istati Membri tal-ARTEMIS kienu bagħtu informazzjoni dwar il-verifiki ex post imwettqa.

(16)  L-Artikolu 8(1) tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ARTEMIS jiddikjara li l-baġit għandu jkun fih approprjazzjonijiet mhux differenzjati u approprjazzjonijiet differenzjati. Dawn tal-aħħar għandhom jikkonsistu minn approprjazzjonijiet ta’ impenn u approprjazzjonijiet ta’ pagament.

(17)  L-Artikolu 13(1) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta ARTEMIS jiddikjara “Il-finanzjament pubbliku għal proġetti magħżula wara sejħiet għal proposti pubblikati mill-Impriża Konġunta ARTEMIS għandu jikkonsisti f’kontributi finanzjarji nazzjonali mill-Istati Membri fl-ARTEMIS u/jew f’kontribut finanzjarju mill-Impriża Konġunta ARTEMIS. Kull appoġġ pubbliku taħt din l-inzjattiva huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali u tal-għajnuna materjali tal-Istat meta dawn ikunu applikabbli.”

(18)  Il-baġit totali tal-parteċipazzjoni Griega fil-proġetti ARTEMIS tas-sejħiet tal-2008, l-2009 u l-2010 jammonta għal EUR 12,2 miljun (stmat bħala EUR 5,7 miljun ta’ fondi nazzjonali, EUR 2,03 miljun ta’ kontribuzzjoni mill-Impriża Konġunta u l-kumplament mill-parteċipanti fil-proġetti).

(19)  L-Artikolu 54(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25) jiddikjara li “infiq kofinanzjat mill-Fondi m’għandux jirċievi għajnuna minn strument finanzjarju ieħor tal-Unjoni”.

(20)  L-Artikolu 10(1) tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta jiddikjara li l-approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw fi tmiem is-sena finanzjarja li għaliha kienu ddaħħlu għandhom jiġu kkanċellati. Fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-Impriża Konġunta, l-approprjazzjonijiet ikkanċellati jistgħu jiddaħħlu fl-estimi tad-dħul u l-infiq ta’ mhux aktar tard mit-tliet snin finanzjarji segwenti, f’konformità mal-Artikolu 27. Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija meħuda mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar, huma jistgħu jiġu riportati biss għas-sena finanzjarja li jkun imiss.

(21)  Fit-22 ta’ Settembru 2010 l-Bord ta’ Tmexxija approva l-qafas ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta li huwa magħmul minn 16-il standard ta’ kontroll intern. Għalkemm sar progress sinifikanti, xi wħud minn dawn l-istandards għadhom mhumiex implimentati bis-sħiħ.

(22)  Fir-rigward tal-verifikazzjoni finanzjarja tal-ispejjeż, isir serħan sħiħ fuq iċ-ċertifikati pprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali. Minbarra l-kontrolli mwettqa mill-Impriża Konġunta fuq il-persunal assenjat għall-proġetti (bħala indikatur biss tal-ispejjeż tal-persunal użati għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet), l-ebda kontroll finanzjarju ieħor ma jitwettaq mill-Impriża Konġunta.

(23)  Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(24)  L-Artikolu 103(2) tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ARTEMIS jiddikjara li mgħax iġġenerat minn pagamenti ta’ prefinanzjament għandu jiġi assenjat lill-programm implimentat mill-Impriża Konġunta u mnaqqas mill-pagament tal-bilanċ tal-ammonti dovuti lill-benefiċjarju. Ma għandux ikun dovut imgħax lill-Impriża Konġunta jekk il-prefinanzjament ma jeċċedix l-ammont ta’ EUR 50 000.

(25)  Il-paragrafu 26 tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Artemis għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (ĠU C 368, 16.12.2011, p. 1).


ANNESS

L-Impriża Konġunta ARTEMIS (Brussell)

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(Siltiet mill-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Unjoni tista’ toħloq impriżi komuni (konġunti) jew kull struttura oħra neċessarja għall-eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimonstrazzjoni tal-Unjoni.

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008)

L-objettivi

L-Impriza Konġunta ARTEMIS għandha tikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru u t-tema "teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni" tal-programm speċifiku "kooperazzjoni".

Il-kompiti

tiddefinixxi u timplimenta ‘Aġenda għar-Riċerka’ għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin għal Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter;

tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Attivitajiet ta’ R & Ż billi tagħti finanzjament lil parteċipanti fi proġetti magħżula wara sejħiet kompetittivi għall-proposti;

tippromwovi sħubija pubblika-privata mmirata lejn il-mobilizzazzjoni u l-akkomunament tal-isforzi tal-Unjoni, nazzjonali u privati u li żżid l-investimenti globali fl-R&Ż fil-qasam tas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter;

tikseb sinerġija u koordinazzjoni tal-isforzi Ewropej dwar l-R & Ż fil-qasam tas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter;

tippromwovi l-involviment ta’ SMEs.

It-tmexxija

Il-Bord ta’ Tmexxija (BT): għandu r-responsabbiltà kumplessiva għall-operazzjoniiet tal-Impriża Konġunta u jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha.

Id-Direttur: huwa l-kap eżekuttiv responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum tal-Impriża Konġunta skont id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija.

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi: huwa responsabbli għad-deċiżjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-baġit tas-sejħiet għall-proposti, l-għażla tal-proposti u l-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi lill-proposti magħżula.

Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka: jelabora l-pjan strateġiku multiannwali kif ukoll l-aġenda għar-riċerka u l-programm annwali ta' ħidma.

Il-verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

L-awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2011

Il-baġit: il-baġit fih approprjazzjonijiet ta’ impenn għal EUR 28,5 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament għal EUR 32 miljun.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

8 postijiet previsiti fit-tabella tal-persunal kienu kompletament okkupati

Persunal ieħor:

Esperti Nazzjonali Ssekondati: 0

Persunal b’kuntratt: 5

Persunal lokali: 0

Total tal-persunal impjegat: 13

Allokati lil:

Attivitajiet operazzjonali: 6

Kompiti amministrattivi: 4

Kompiti mħallta: 3

L-attivitajiet u s-servizzi pprovduti fl-2011

Ġiet organizzata Sejħa għall-Proposti fl-2011 b’baġit totali ta' EUR 72 miljun.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA ARTEMIS

Paragrafi 15-16-17

Aħna nieħdu nota tal-importanza tal-istrateġija ta’ verifika ex-post u l-pertinenza tal-osservazzjonijiet tal-Qorti. Madanakollu, nixtiequ nżidu xi informazzjoni:

1.

Id-diversi skemi ta’ finanzjament u regoli nazzjonali fis-seħħ fl-Istati Membri differenti jfissru li l-verifika ex-post hija fattibbli biss fuq proġetti mitmuma. Fid-dawl ta’ dan, proposta għal modifikazzjoni ad-hoc tal-istrateġija ta’ verifika ex-post ta’ ARTEMIS se tiġi sottomessa lill-Bord ta’ Governanza għal adozzjoni f'Diċembru 2012.

2.

Għaldaqstant, peress li nafu li l-ewwel grupp ta’ proġetti jew parti minnhom (is-Sejħa tal-2008) se tintemm matul l-2011, antiċipajna l-kwistjoni tal-verifika ex-post billi bdejna niġbru mingħand l-Istati Membri, kmieni fl-2011 (eżatt wara l-approvazzjoni mill-Bord ta’ Governanza tal-ARTEMIS, tal-istrateġija ta’ verifika ex-post), id-dokumentazzjoni dwar l-istrateġija ta’ verifika ex-post.

3.

Matul l-2011, irċivejna “ċertifikat ta’ tmiem tal-proġett u informazzjoni ta’ verifika ex-post” wieħed biss u 15 oħra waslulna fl-ewwel tliet xhur tal-2012. Fiż-żmien tal-verifika, April 2012, hija verita li d-dokumentazzjoni li rċevejna mingħand l-Istati Membri ma kinitx sħiħa, u diġà ntwera progress sinifikanti fl-2012.

4.

Għal dawn ir-raġunijiet, id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv ma għamlitx referenza għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ verifika ex-post, billi kkonsidrat in-nuqqas ta’ materjalità għas-sena 2011. Ovvjament din se tkun inkluża fir-Rapport ta’ Attività Annwali 2012.

Paragrafu 24

Artikolu 10(1) tar-regolamenti finanzjarji kien traspost mir-Regolament Finanzjarju ta’ Qafas għall-Aġenziji u huwa rrispettat b’mod sħiħ fl-ARTEMIS JU għall-approprjazzjonijiet tal-impenji. Din it-talba (dwar l-approprjazzjonijiet ta’ ħlas) lill-Bord ta’ Governanza tagħmel sens għal Aġenziji li jibagħtu l-eċċess tad-dħul lura lill-Kummissjoni Ewropea. Artikolu 15 tal-Istatut tal-ARTEMIS ma jippermettix din il-possibbiltà, bl-eċċezzjoni ta’ xenarju fejn l-Aġenzija tkun se tagħlaq.

Paragrafu 28

Is-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni ilu l-Awditur Intern tal-ARTEMIS sa mill-25 ta’ Novembru 2010, u b'konsiderazzjoni tad-daqs tal-persunal tal-Impriża Konġunta tal-ARTEMIS, ġentilment offra li jkun ukoll il-Kapaċità tal-Verifika Interna tal-ARTEMIS. Id-diskussjonijiet fit-tul bejn il-IAS u l-Kummissjoni għadhom għaddejjin u ttardjaw l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan. Dan ġie kkonfermat mill-IAS fil-laqgħa tal-Bord ta’ Governanza li saret fil-25 ta’ Jannar 2012. L-ARTEMIS JU jittama li l-IAS jissodisfa dak l-irwol mill-aktar fis possibbli. Sadanittant, id-Direttur Eżekuttiv issostitwixxa dak l-irwol tal-IAS minn laqgħat kollettivi (it-tim kollu) li ma sarux fuq il-post u indirizzaw it-temi ewlenin relatati mal-iżviluppi tal-proċess.

Paragrafu 30

Aħna naqblu mal-osservazzjoni, iżda, għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u effiċjenza, iddeċidejna li nemendaw ir-Regolamenti Finanzjarji tagħna għal dan il-punt, u fil-waqt opportun se nemendawhom għar-reviżjoni kontinwa tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali.

Paragrafu 32

Id-differenzi bejn iż-żewġ rapporti (il-Kontijet Annwali u r-Rapport ta’ Attività Annwali) irriżultaw minħabba kriterji differenti użati. Kif imsemmi fir-Rapport ta’ Attività Annwali t-tipi kollha ta’ sorsi ta’ krediti/fondi huma rrappurtati (nota f’qiegħ il-paġna ta’ tabella 1) filwaqt li fil-Kontijiet Annwali hija rrappurtata biss l-implimentazzjoni tal-baġit tas-sena attwali.


10.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 6/9


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2013/C 6/02

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta Clean Sky, li tinsab fi Brussell, ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin.

2.

L-objettiv tal-Impriża Konġunta Clean Sky huwa li taċċelera l-iżvilupp, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji nodfa għat-trasport bl-ajru fl-UE għall użu mill-aktar fis possibbli (2). L-attivitajiet ta’ riċerka koordinati mill-Impriża Konġunta huma maqsumin f’sitt oqsma teknoloġiċi jew ‘Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata’ (ITDs).

3.

Il-Membri Fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni, u msieħba industrijali bħala l-mexxejja tal-ITDs, flimkien mal-membri assoċjati tal-ITDs.

4.

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta Clean Sky biex tkopri l-ispejjeż operazzjonali u l-attivitajiet ta’ riċerka hi ta’ EUR 800 miljun li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru (3). Membri oħrajn tal-Impriża Konġunta għandhom jikkontribwixxu riżorsi li minn tal-inqas huma ugwali għall-kontribuzzjoni tal-UE, inklużi kontributi in natura.

5.

L-Impriża Konġunta bdiet taħdem b’mod awtonomu fis-16 ta’ Novembru 2009.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

7.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Impriża Konġunta Clean Sky, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

8.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7).

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

9.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (8). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (9) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (10) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

10.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

11.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (11). Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti etiċi u professjonali u li tippjana u twettaq l-awditu (verifika) sabiex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet ikunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

12.

L-awditu (verifika) tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula, inkluża l-valutazzjoni tagħha tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball, jiddependu fuq il-ġudizzju tagħha tal-awditu (verifika). Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet mill-entità sabiex jitfasslu l-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. L-awditu (verifika) tal-Qorti jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula mill-maniġment, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

13.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjoni tar-regoli finanzjarji tagħha.

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

15.

L-istrateġija tal-verifika ex-post tal-Impriża Konġunta ġiet adottata b’deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija fis-17 ta’ Diċembru 2010 u hija kontroll ewlieni għall-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (12). Il-verifiki ex-post ikkompletati f’Settembru 2012 koprew EUR 44,3 miljun (18,8 % tal-klejms tal-ispejjeż kollha li waslu għand l-Impriża Konġunta fl-2008, l-2009 u l-2010 (13)). Ir-rata ta’ żball li tirriżulta minn dawn il-verifiki ex-post kienet 6,16 % (14).

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

16.

Fl-opinjoni tal-Qorti, għajr għall-effetti tal-kwistjonijiet deskritti fil-paragrafu 15, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma, legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

17.

Il-kummenti segwenti fil-paragrafi 18 sa 32 ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

18.

Il-baġit emendatorju finali 2011 (15) kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 175 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 159,8 miljun. Ir-rata ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn kienet 94 % filwaqt li r-rata għal approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet 64 %. Ir-rata għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament tirrifletti dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta. Hemm dewmien sinifikanti bejn il-pubblikazzjoni tas-sejħiet għall-proposti u l-firma tal-ftehimiet ta’ għotjiet (16). L-implimentazzjoni baxxa tal-baġit hija riflessa wkoll fil-bilanċ tal-flus, li kien ta’ EUR 51 miljun fi tmiem is-sena (32 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli fl-2011) (17).

19.

L-Impriża Konġunta, għal kuntrarju tar-regoli finanzjarji tagħha, irriportat ’il fuq minn EUR 68 miljun ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament għall-2012 mingħajr deċiżjoni mill-Bord ta’ Tmexxija (18).

Preżentazzjoni tal-kontijiet

20.

L-Impriża Konġunta esperjenzat dewmien sinifikanti fil-wasla tal-klejms tal-ispejjeż minn Ftehimiet tal-Għotjiet mal-Membri għall-2011. Minħabba fid-dewmien, il-validazzjoni ta’ għadd kbir ta’ klejms ma setgħux jiġu kkompletati għall-Kontijiet Finali 2011. Il-kontributi in natura relatati (EUR 52 miljun) ma ġewx approvati mill-Bord ta’ Tmexxija fi żmien xieraq u b’konsegwenza ta’ dan, ma setgħux jiġu rreġistrati taħt l-attivi netti u kellhom jiġu riflessi taħt il-passivi (“kontribuzzjonijiet li jridu jiġu vvalidati”). L-Impriża Konġunta għalhekk irrapportat attivi netti negattivi ta’ EUR 18,5 miljun. Il-Kontijiet Finali b’mod xieraq jirriflettu din is-sitwazzjoni tranżizzjonali li ma tindika ebda riskju ta’ solvenza għall-Imrpiża Konġunta.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

21.

Minkejja l-progress li sar matul l-2011, l-Impriża Konġunta s’issa għadha ma stabbilietx b’mod sħiħ sistemi affidabbli ta’ kontroll intern u ta’ informazzjoni finanzjarja. B’mod partikolari, jinħtieġ aktar xogħol fuq il-proċeduri ta’ kontroll ex-ante applikati għall-validazzjoni tal-klejms għall-ispejjeż.

22.

Fl-2011 l-Impriża Konġunta kienet għadha ma implimentatx l-għodda l-ġdida (19) biex timmaniġġa d-data relatata mal-klejms għall-ispejjeż ippreżentati mill-membri u l-benefiċjarji.

23.

Il-Qorti eżaminat il-proċeduri ta’ kontroll ex-ante applikati għal klejms għall-ispejjeż ippreżentati skont tliet ftehimiet ta’ għotjiet ma’ Membri tal-Clean Sky (20). Ġew identifikati d-dgħufijiet li ġejjin:

il-listi ta’ kontroll użati għall-kontroll ex-ante fuq il-klejms għall-ispejjeż mhux dejjem kienu kompluti (21).

f’każ minnhom, iċ-ċertifikat tal-verifika li jakkumpanja l-klejm għall-ispejjeż ta’ assoċjat inkluda eċċezzjonijiet li jolqtu l-ispejjeż tal-persunal u tas-sottokuntrattar. Ma sar ebda aġġustament għall-klejm għall-ispejjeż bħala riżultat ta’ dawn l-eċċezzjonijiet.

għal kuntrarju tal-manwal tal-proċeduri finanzjarji (22), m’hemm ebda evidenza li l-aġenti operazzjonali qegħdin ukoll jikkonfermaw l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-kuntratti.

f'minn tal-inqas tliet tranżazzjonijiet, il-funzjonijiet tal-verifikazzjoni finanzjarja u l-uffiċjal awtorizzanti kienu r-responsabbiltà tal-kap tal-amministrazzjoni, għal kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tal-manwal tal-proċeduri finanzjarji u l-prinċipju ta’ segregazzjoni tad-doveri.

24.

L-Uffiċjal tal-Kontabilità f’Marzu 2012 kkompleta l-eżerċizzju ta’ validazzjoni tal-proċessi ta’ negozju ta’ bażi hekk kif meħtieġ mir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta (23). Saru għadd ta’ rakkomandazzjonijiet fir-rapport ta’ validazzjoni tal-Uffiċjal tal-Kontabilità, b’mod partikolari l-bżonn li titjieb is-sistema għall-validazzjoni tal-klejms għall-ispejjeż u l-implimentazzjoni ta’ għodda biex isir rappurtar b’mod xieraq lill-maniġment, dwar kwistjonijiet baġitarji u kontabilistiċi.

KWISTJONIJIET OĦRAJN

Uffiċċju tal-awditjar (verifika) intern u s-Servizz tal-Awditjar (verifika) Interna tal-Kummissjoni

25.

Matul l-2011, u bħala riżultat ta’ limiti ta’ riżorsi fi ħdan l-organizzazzjoni, l-awditur intern kellu jaħdem fuq il-proċessi fundamentali tal-Impriża Konġunta, inkluż l-istabbiliment tal-kontijiet tal-2010 u 2011 u l-validazzjoni tal-klejms għall-ispejjeż li waslu mingħand il-membri.

26.

Fl-2011 is-Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni wettaq eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju. Ibbażat fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju, il-pjan strateġiku tal-verifika għall-2012-2014 ġie ppreżentat lill-Bord ta’ Tmexxija għall-adozzjoni fl-14 ta’ Diċembru 2011.

27.

Il-karta tal-missjoni tas-Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Bord ta’ Tmexxija fil-31 ta’ Marzu 2011. Madankollu, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta s’issa għadhom ma ġewx emendati sabiex jinkludu d-dispożizzjoni tar-Regolament Strutturali (24) li jirreferi għas-setgħat tal-awditur intern tal-Kummissjoni.

Pagamenti tal-kontribuzzjonijiet tal-membri

28.

Il-proċedura għal ħruġ ta’ ordnijiet ta’ rkupru relatati mal-ispejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta ma kinitx applikata b’mod xieraq. It-talba lill-membri biex iħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom tal-2011 ma kinitx akkumpanjata bil-previżjoni tal-likwidità hekk kif inhuwa meħtieġ skont il-ftehim ta’ finanzjament.

Segwitu tal-osservazzjonijiet preċedenti

29.

Sa tmiem l-2011, l-Impriża Konġunta kienet għadha ma kkompletatx il-proċeduri interni li jridu jintużaw għas-sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni, l-użu u t-tixrid ta’ riżultati ta’ riċerka (25).

30.

Fl-Opinjoni 2011 tagħha dwar ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, il-Qorti identifikat għadd ta’ oqsma li kellhom bżonn jiġu emendati (26). Ir-regoli finanzjarji ma ġewx emendati biex jirriflettu l-kwistjonjiet imqajma fl-Opinjoni tal-Qorti.

31.

Matul l-2011 l-Impriża Konġunta stabbilixxiet Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju u għamlet progress fil-formalizzazzjoni tal-politiki tas-sigurtà tal-IT. Filwaqt li ġew definiti elementi essenzjali (27) ta’ Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru matul l-2011, jinħtieġ li jsir iktar xogħol sabiex dan jiġi ffinalizzat u approvat.

32.

Il-Ftehim mal-Istat Ospitanti (28) bejn l-Impriża Konġunta u l-awtoritajiet Belġjani dwar spazju għall-uffiċċji, privileġġi u immunitajiet u appoġġ ieħor ġie ffirmat fit-2 ta’ Frar 2012.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-13 ta’ Novembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1).

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Is-Seba' Programm Kwadru, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1) tat-18 ta’ Diċembru 2006, jiġbor flimkien taħt saqaf wieħed l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka u għandu rwol kruċjali fil-kisba tal-miri ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(4)  Il-Qorti rċeviet il-kontijiet annwali proviżorji fl-1 ta’ Marzu 2012. Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet.

(5)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u l-anness għar-rapporti finanzjarji, li jinkludi deskrizzjoni tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(9)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(10)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-korpi tal-UE huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

(11)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(12)  L-Artikolu 12(4) tar-Regolament li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta jiddikjara li "L-Impriża Konġunta "Clean Sky"għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki finanzjarji fost id-destinatarji tal-finanzjament pubbliku tal-Impriża Konġunta "Clean Sky" ". Verifiki ex-post jistgħu jidentifikaw nefqiet ineliġibbli kklejmjati mill-benefiċjarji li mbagħad huma soġġetti għal proċeduri ta’ rkupru.

(13)  Il-klejms tal-2010 ġew imħallsa matul l-2011

(14)  Ir-rata ta’ żball tiġi kkalkolata billi tintuża medja tad-dikjarazzjonijiet eċċessivi li jinstabu fil-klejms differenti tal-ispejjeż ippeżati skont l-ammont tagħhom.

(15)  Adottat mill-Bord ta’ Tmexxija fl-14 ta’ Diċembru 2011.

(16)  Il-ħin medju bejn il-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-proposti u l-firma tal-ftehimiet ta’ għotja tal-Impriża Konġunta kien ta’ 418-il ġurnata għas-sejħiet varati fl-2010 u 291 ġurnata għall-ewwel sejħa varata fl-2011.

(17)  Il-bilanċ tal-flus fi tmiem l-2010 ammonta għal EUR 53 miljun (41 % mill-approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli fl-2010).

(18)  L-Artikolu 10(1) tar-regoli finanzjarji jiddikjara li approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw fi tmiem is-sena finanzjarja li għaliha jkunu ddaħħlu għandhom jiġu kkanċellati. Fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-Impriża Konġunta, l-approprjazzjonijiet ikkanċellati jistgħu jiddaħħlu fl-estimi tad-dħul u l-infiq sa mhux aktar tard mit-tliet snin finanzjarji segwenti, f'konformità mal-Artikolu 27.

Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija meħuda mhux aktar tard mill-15 ta' Frar, huma jistgħu jiġu riportati biss għas-sena finanzjarja li jkun imiss, …”.

(19)  L-Impriża Konġunta qed tiżviluppa għodda ġdida biex timmaniġġa d-data relatata mal-Membri.

(20)  Kull klejm tal-Membri tal-Clean Sky inkluda medja ta’ 30 klejm għall-ispejjeż ta’ assoċjati.

(21)  Elementi kritiċi bħal ma hija l-firma tal-uffiċjali tal-verifikazzjoni operazzjonali u l-eżami tal-kompletezza tal-lista ta’ kontroll operazzjonali mill-uffiċjal tal-verifikazzjoni finanzjarja mhux dejjem ġew iddokumentati.

(22)  Il-manwal tal-proċeduri finanzjarji tal-Impriża Konġunta jiddikjara li r-rwoli tal-uffiċjal tal-verifikazzjoni operazzjonali u finanzjarja u tal-uffiċjal awtorizzanti għandhom ikunu separati u mifruxa madwar il-ġestjoni tan-nefqa operazzjonali u li:

l-aġent tal-verifikazzjoni operazzjonali għandu jikkonferma li l-aspetti operazzjonali (tekniċi u finanzjarji) tal-fajl huma konformi mal-parametri miftiehma.

l-aġent tal-verifikazzjoni (il-kap tal-amministrazzjoni) għandu jikkonferma l-konformità tal-aspetti operazzjonali mar-regoli eżistenti u r-regolarità kumplessiva tal-operazzjoni.

id-direttur eżekuttiv għandu jwettaq il-kontroll kumplessiv finanzjarju u operazzjonali tal-fajl sħiħ.

(23)  L-Artikolu 43 tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta jistipola li l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment u l-validazzjoni tas-sistemi kontabilistiċi, u, fejn xieraq, jivvalida sistemi stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti biex iforni jew jiġġustifika informazzjoni kontabilistika.

(24)  Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(25)  Il-paragrafu 23 tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali 2010 tal-Impriża Konġunta Clean Sky (ĠU C 368, 16.12.2011, p. 8).

(26)  L-Opinjoni Nru 2/2011 tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta Clean Sky (http://eca.europa.eu).

(27)  (a) ċirkuwiti finanzjarji fil-każ ta’ diżastru; (b) proċedura ta’ riżerva (back-up) għas-sigurtà tad-databases b’riżerva regolari u frekwenti u ħażna ’l barra mis-sit (off-site storage); (c) ftehim inizjali biex jintużaw l-installazzjonijiet tal-KE sabiex ikun hemm aċċess għas-sistemi finanzjarji (ABAC, SAP) u l-internet.

(28)  Il-paragrafu 25 tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali 2010 tal-Impriża Konġunta Clean Sky.


ANNESS

Impriża Konġunta Clean Sky (Brussell)

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(Siltiet mill-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tipprevedi kontribut tal-Komunità għat-twaqqif ta’ sħubiji pubbliċi-privati fit-tul f'forma ta’ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti li jistgħu jkunu implimentati permezz ta’ Impriżi Konġunti skont it-tifsira tal-Artikolu 187 tat-Trattat.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta “Clean Sky’” (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1).

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008)

L-objettivi

L-Impriża Konġunta Clean Sky għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru u b'mod partikolari tat-Tema 7, Trasport (inkluża l-Aeronawtika) tal-Programm Speċifiku Kooperazzjoni.

li taċċelera fl-UE l-iżvilupp, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji nodfa għat-Trasport bl-Ajru għall-użu mill-aktar fis possibbli;

li tiżgura l-implimentazzjoni koerenti tal-isforzi tar-riċerka Ewropej li jimmiraw għat-titjib ambjentali fil-qasam tat-Trasport bl-Ajru;

li toħloq Sistema tat-Trasport bl-Ajru radikalment innovattiva, abbażi tal-integrazzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati u dimostrazzjonijiet fuq skala kbira (ITDs), bil-mira li jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bl-ajru permezz ta’ tnaqqis sinifikanti tal-ħoss u l-emissjonijiet ta’ gass, flimkien ma’ titjib tal-ekonomija tal-fjuwil fl-ajruplani;

li taċċellera l-ħolqien ta’ konoxxenza ġdida, l-innovazzjoni u l-użu tar-riċerka bi prova tat-teknoloġiji rilevanti u sistema ta’ sistemi kompletament integrata, fl-ambjent operattiv adegwat, li jwasslu għal kompetittività industrijali aktar b'saħħitha.

It-tmexxija

Il-korp ta’ tmexxija tal-Impriża Konġunta huwa l-Bord ta’ Tmexxija. It-tim Eżekuttiv huwa mmexxi minn Direttur Eżekuttiv. L-industrija hija rrappreżentata permezz ta’ diversi mezzi bħalma huma l-kumitati ta’ tmexxija ITD u Grupp ta’ Rappreżentanti ta l-Istati Nazzjonali.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2011

Il-Baġit

EUR 192 350 991

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

24 kariga li hemm stipulazzjoni dwarhom fit-tabella tal-persunal (18-il membru tal-persunal temporanju u 6 membri tal-persunal b'kuntratt), li minnhom 23 kienu okkupati; dawn kienu allokati għal: Attivitajiet operazzjonali: 9; Kompiti amministrattivi: 14; Kompiti mħallta: 5

L-attivitajiet u s-servizzi mogħtija fl-2011

Ara r-Rapport ta’ Attività Annwali 2011 tal-Impriża Konġunta Clean Sky Joint Undertaking fuq www.cleansky.eu

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta Clean Sky.


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA “CLEAN SKY”

Bażi għal opinjoni kkwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonjiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

Paragrafu 15

L-Impriża Konġunta Clean Sky (CSJU) tilqa’ l-konklużjoni pożittiva tal-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet kollha li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-2011 bl-unika eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet relatati mal-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż.

Il-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż mill-benefiċjarji tal-JU twassal għal pagamenti interim/finali u l-approvazzjoni tal-prefinanzjament. L-awditi ex-post imwettqa mill-CSJU fl-2011 koprew l-ispejjeż validati mill-amministrazzjoni tal-Impriża Konġunta (JU) fir-rigward tat-twettiq tal-proġetti għall-2008, l-2009 u l-2010. Fil-pagamenti operattivi akkumulati li ħallset il-JU mill-bidu tal-programm CS sa Diċembru 2011, 49,5 % biss (1) kienu relatati mal-eżekuzzjoni tal-proġetti għall-2008, l-2009 u l-2010.

L-iżball misjub mill-awditi ex-post tal-JU mwettqa fl-2011 ilaħħaq is-6,16 %. Madankollu, filwaqt li jitqiesu l-azzjonijiet korrettivi mill-JU kif deskritt aktar ’l isfel f’dan il-kumment, minbarra r-rata ta’ żball misjuba, għandu jitqies indikatur ieħor għall-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż validati: ir-rata ta’ żball residwa. Skont il-metodoloġija deskritta fl-istrateġija approvata ta’ awditu ex-post tal-CSJU, ir-rata ta’ żball residwu tindika l-iżball li jifdal fil-pretensjonijiet tal-ispejjeż validati, wara li jkun iddaħħal il-mekkaniżmu ta’ rkupru. Għall-awditi ex-post imwettqa fl-2011 għall-pretensjonijiet tal-ispejjeż tas-snin preċedenti, ir-rata ta’ żball residwa tlaħħaq l-4,09 %, li twassal għal ammont komparattivament limitat f’riskju fir-rigward tal-pagamenti operattivi akkumulati li ntefqu għall-programm CS sa tmiem l-2011 (2,02 % (2)).

Il-JU tirrikonoxxi r-rilevanza tar-rati ta’ żball misjuba u residwi relatati mal-pretensjonijiet tal-ispejjeż awditjati u għandha l-għan li ssaħħaħ aktar il-kwalità tal-proċess tagħha ta’ validazzjoni ex-ante.

Il-JU implimentat il-proċess ta’ awditu ex-post fis-sena 2011, madwar sena wara li kisbet l-awtonomija tagħha f’Novembru 2009. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel awditi jkopri l-proċess ta’ validazzjoni tas-sena 2010, li kien l-ewwel wieħed imwettaq mill-JU. Fis-sena 2010, il-JU kienet għadha f’fażi tal-bidu filwaqt li l-kontrolli ex-ante relatati mal-ġestjoni tal-għotjiet ma kinux kompletament maturi biex jimmaniġġjaw il-volum kbir ta’ għotjiet.

B’ħarsa lejn ir-riżultati tal-ewwel eżerċizzju tal-awditu ex-post imwettaq, il-JU tixtieq tenfasizza l-effikaċja ta’ dan l-element mis-sistema ta’ kontroll intern tagħha, li permezz tagħha l-amministrazzjoni skopriet u kkoreġa l-iżbalji li saru matul il-validazzjoni ex-ante tal-JU tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż. Għadhom għaddejjin azzjonijiet korrettivi finali.

Sa mill-2010, il-JU żviluppat b’mod sinifikanti l-proċessi tagħha li jirregolaw il-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż billi stabbilixxiet proċeduri apposta inkluż database għall-ġestjoni tal-għotjiet li tipprovdi mekkaniżmu ta’ approvazzjoni tal-istandards tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż mill-uffiċjali Finanzjarji u tal-Proġett.

Wara l-ewwel eżerċizzju ta’ awditu ex-post, il-JU stabbilixxiet il-miżuri ta’ rkupru xierqa biex tikkoreġi l-pagamenti żejda li saru fil-passat, inkluż l-estrapolazzjoni tal-iżbalji sistematiċi misjuba fl-awditi fuq il-pretensjonijiet tal-ispejjeż mhux awditjati. Jeħtieġ li jiġi nnotat, li 75 % tal-fondi tal-JU huma mogħtija lill-benefiċjarji nnominati (il-membri tal-CSJU), li jieħdu sehem fil-proġetti CS sal-aħħar tal-programm. Din is-sitwazzjoni tiffaċilita l-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu mill-JU permezz ta’ rkupri fl-okkażjoni tal-pagamenti sussegwenti lill-benefiċjarji.

Bħala miżura preventiva, il-proċeduri applikati llum għall-validazzjoni ex-ante ta’ pretensjonijiet għall-ispejjeż iqisu r-riżultati tal-awditi ex-post tas-snin preċedenti, b’mod partikolari f’każijiet ta’ żbalji sistematiċi. Għall-perjodu 2008 sa 2010, aktar minn 80 % tal-iżbalji misjuba kienu ta’ natura sistematika. Dan jippermetti wkoll lill-JU biex tagħti linji gwida lill-benefiċjari nnominati, u għalhekk tevita li jkun hemm żbalji fi pretensjonijiet tal-ispejjeż futuri.

Parti sinifikanti mill-iżball misjub fl-awditi ex-post tal-2011 (madwar 50 %) kien minħabba l-użu tad-dejta tal-kontabbiltà tas-sena preċedenti, peress li dak iż-żmien ma kinitx disponibbli dejta attwali, meta kienu dovuti d-dikjarazzjonijiet finanzjarji. Il-JU qiegħda tissorvelja l-proċess tal-aġġustamenti sussegwenti fil-kontrolli ex-ante u sejra tassigura li fil-perjodi ta’ rappurtar li ġejjin, l-aġġustamenti tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż preċedenti jiġu sottomessi mingħajr dewmien.

L-amministrazzjoni tal-JU tqis importanti li tiġi żgurata arkitettura ta’ kontroll multiannwali għall-ġestjoni tal-għotjiet tal-JU Clean SKU, li tqis l-opportunitajiet għall-proċeduri standard ta’ rkupru kif ukoll għall-miżuri preventivi. Din hija raġuni għala l-amministrazzjoni tal-JU stabbilixxiet mekkaniżmi u objettivi għat-tul multiannwali tal-proġetti, li jitkejlu minn indikaturi li jkopru d-dewmien sħiħ tal-programm.

Kummenti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

Paragrafu 18

Il-JU tiddependi fuq l-eżitu effiċjenti u b’suċċess tan-negozjati relatati mas-sejħiet għal proposti u ħadet passi fuq livell intern biex ittejjeb u tħaffef il-proċess madwar dan l-aspett importanti tal-pagamenti lill-imsieħba l-ġodda. Il-JU qiegħda tara titjib globali fiż-żmien għall-għotja u qiegħda tissorvelja dan mill-viċin fil-livell tal-amministrazzjoni (3).

Paragrafu 19

Il-JU tirrikonoxxi d-dewmien mid-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija li tapprova t-trasferiment tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-pjan tal-baġit tas-sena 2012 (4). L-iskeda taż-żmien għall-ippjanar tal-baġit tal-JU u ċ-ċiklu ta’ rappurtar ġew riveduti biex jieħdu ħsieb tal-approvazzjoni xierqa u f’waqtha tal-Bord ta’ Tmexxija għat-trasferimenti għas-sena 2013.

Paragrafu 20

Il-JU ltaqgħet ma’ sitwazzjoni eċċezzjonali fl-ewwel nofs tal-2012 fir-rigward tal-irċevuta tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż mill-membri tagħha għall-eżekuzzjoni tal-proġetti fl-2011. Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji għall-GAMs 2011, li kienu dovuti fl-1 ta’ Marzu 2012, ġew sottomessi mill-benefiċjarji b’dewmien mhux tas-soltu li laħaq it-3-4 xhur. Il-JU analizzat ir-raġuni prinċipali għal dan id-dewmien mal-koordinaturi ITD (mexxejja ta’ konsorzji) u ħadet azzjoni biex tevita li jkun hemm żvilupp simili fl-2013. Ġie deċiż li jittieħdu dawn l-azzonijiet li ġejjin:

Bi qbil mal-Bord ta’ Tmexxija (Ġunju 2012), sejra tiġi stabbilita skeda ċara għall-proċess tal-2013 (Jannar - Ġunju 2013) li tindika l-iskadenzi u ż-żminijiet għal tweġiba mistennija mill-industrija u l-JU.

Permezz ta’ linji gwida u taħriġ, il-JU sejra tikkontribwixxi biex ittejjeb il-kompletezza u l-kwalità tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż u ċ-Ċertifikati tad-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji (CFS) relatati;

Il-JU sejra ssaħħaħ il-monitoraġġ mill-qrib, billi tipprovdi assistenza proattiva lill-membri għall-mistoqsijiet individwali dwar l-eliġibbiltà tal-ispejjeż. Dan ma kienx possibbli minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi fl-ewwel nofs tal-2012;

Għodda tal-IT ġdida għall-ġestjoni tal-għotjiet sejra tiffaċilita l-proċess ta’ sottomissjoni u validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż.

Wara l-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż li jiġu rċevuti finalment mill-amministrazzjoni u l-approvazzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija aktar tard fl-2012, il-kontribuzzjonijiet in natura relatati sejrin jiġu ttrasferiti fl-Assi Netti tal-JU fil-Kontijiet finali tal-2012. Għaldaqstant, l-istatus tal-Assi Netti kif ippreżentati fil-Kontijiet finali tal-2011 għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed tranżitorju.

Kummenti dwar kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Impriża Konġunta

Paragrafu 21

Matul l-ewwel kwart tas-sena 2012 u wara r-rakkomandazzjonijiet tal-ECA tas-sena preċedenti, il-JU żviluppat proċedura apposta għall-proċessi relatati mal-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż, li tintegra l-POs fil-proċess ta’ validazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji (5). Minbarra l-validazzjoni tar-rapporti tekniċi, il-POs jivverifikaw l-informazzjoni disponibbli dwar l-użu tar-riżorsi u jinnotifikaw ir-riżultati tal-validazzjoni tagħhom lill-Uffiċjali Finanzjarji. Ġew żviluppati regoli ċari li jiżguraw l-evidenza tal-awtorizzazzjoni tal-verifika finanzjarja u operattiva rispettiva għall-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż. Il-format tal-lista ta’ verifika li ntużat preċedentement ittejjeb, biex tingħata evidenza tal-passi ta’ validazzjoni li effettivament twettqu u biex tintwera l-interazzjoni bejn it-taqsimiet finanzjarji u operattivi.

Paragrafu 22

Il-JU, wara l-esperjenzi tagħha u l-osservazzjonijiet preċedenti tal-Qorti dwar l-ipproċessar tad-dejta relatata mal-benefiċjarji, żviluppat għodda apposta għall-ġestjoni tad-dejta tal-benefiċjarji għall-Ftehimiet ta’ għotja għall-membri (GMT) fl-aħħar kwart tal-2011. Din l-għodda ntużat għall-ipproċessar tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż tal-2011 fit-tieni kwart tal-2012 u - wara l-ittestjar tal-affidabbiltà tad-dejta kkodifikata u tar-rapporti li jirriżultaw mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-JU flimkien ma’ kumpanija esterna tal-awditjar - ir-riżultati ġew applikati għall-Kontijiet Finali 2011.

Paragrafu 23

Il-JU tieħu nota tar-rimarki tal-Qorti u ħadet passi biex ittejjeb il-proċess intern ta’ approvazzjoni kemm għall-atturi finanzjarji kif ukoll dawk operattivi; anzi, issa permezz tal-għodda ta’ ġestjoni tal-għotjiet imsemmija hawn fuq, hemm approċċ aktar integrat għall-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż u r-rapporti tekniċi annwali mill-atturi finanzjarji u operattivi rispettivi u dan huwa aktar viżibbli fil-proċess.

Fir-rigward tas-segregazzjoni tad-dmirijiet, il-JU bħalissa qiegħda taħdem fuq modifika taċ-ċirkwiti finanzjarji biex tiżgura s-segregazzjoni bejn l-verifika finanzjarja u l-awtorizzazzjoni f’każijiet fejn ma jkunx hemm atturi finanzjarji li normalment ikunu previsti.

Paragrafu 24

Il-JU ħadet nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà u kif intqal qabel, għamlet passi sinifikanti biex timplimenta l-GMT li sejrin jippermettu titjib fil-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż u biex tkun tista’ tirrapporta b’mod komprensiv u regolarment lill-amministrazzjoni tal-JU.

Kwistjonijiet oħra

Paragrafu 25

F’Awwissu 2011, il-Bord ta’ Tmexxija u l-amministrazzjoni tal-JU permezz tal-Uffiċjal tal-Awditjar Intern (IAO) saru jafu bl-involviment tal-IAO f’xi wħud mill-proċessi ewlenin fil-ġestjoni finanzjarja tal-JU u l-konsegwenzi potenzjali tal-indipendenza tal-IAO. Jekk ikun hemm bżonn, ir-riskju ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni potenzjali fir-rigward tal-proċessi kkonċernati sejjer jitnaqqas permezz tal-involviment tal-IAS.

Paragrafu 27

Il-JU sejra temenda r-regoli finanzjarji wara l-aġġornament li jmiss għall-qafas tar-regolament finanzjarju li għaddej bħalissa (ara wkoll il-punt 30).

Paragrafu 28

It-talba għall-pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-2011 lill-Kummissjoni (bħala wieħed mill-Membri tal-JU) kienet akkumpanjata b’mod xieraq minn tbassir ta’ fluss ta’ flus adegwat. Filwaqt li ma ġie inkluż l-ebda fluss ta’ flus, it-talba lil Membri oħra minbarra l-KE ġiet akkumpanjata minn spjegazzjoni tal-ammont mitlub u r-ripartizzjoni ewlenija, li turi s-sehem ta’ kull membru jew kumpanija assoċjata. Barra minn hekk, permezz tal-informazzjoni dwar il-kontijiet annwali tas-sena preċedenti u l-baġit annwali approvat tas-sena 2011, mogħtija fil-minuti tal-Bord ta’ Tmexxija, il-membri kollha ngħatawlhom id-dettalji finanzjarji rilevanti. Il-JU sejra tassigura, li fil-futur, it-tbassir tal-fluss ta’ flus sejjer jiġi inkluż mat-talbiet għall-pagamenti anki għall-membri minbarra l-Kummissjoni.

Paragrafu 29

L-implimentazzjoni adegwata tad-dispożizzjonijiet iddettaljati fl-Anness II, il-Kundizzjonijiet ġenerali, tal-ftehimiet tal-għotja tal-JU Clean Sky għall-Membri dwar il-protezzjoni, l-użu u d-disseminazzjoni tar-riżultati tar-riċerka għadha għaddejja.

Fi żmien xieraq sejra tiġi stabbilita proċedura apposta, li tiġbor fil-qosor l-elementi tar-rwol superviżorju tal-JU u l-kontrolli fis-seħħ.

Paragrafu 30

Il-JU sejra temenda r-regoli finanzjarji wara l-aġġornament li jmiss għall-qafas tar-regolament finanzjarju li għaddej bħalissa. Dan sejjer jippermetti lill-JU biex tallinja ruħha mar-regoli aċċettati b’mod komuni u tieħu vantaġġ biex tiċċara, fejn ikun possibbli, il-kwistjonijiet imqajma mill-Qorti.

Paragrafu 31

Flimkien mal-Impriżi Konġunti ġirien fil-bini komuni tagħhom, il-JU Clean Sky ħadmet aktar fuq il-finalizzazzjoni tal-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru. Huwa previst, li dan jitlesta sa tmiem l-2012.


(1)  Il-pagamenti operattivi akkumulati mill-2008 sal-2011 jlaħħqu Eur 261 358 871, il-pagamenti finali flimkien mal-approvazzjoni tal-prefinanzjament għas-snin 2008 sa 2010 jlaħħqu Eur 129 295 956.

(2)  = 4,09 % ta’ (Eur 129 295 956 /Eur 261 385 871)*100

(3)  Mit-twaqqif tal-JU, iż-żmien għall-għotja tjieb minn 418 jum għal 268 jum mill-aktar sejħa riċenti (Sejħa 10). Dan juri titjib ulterjuri minn dak ivvalutat mill-Qorti.

(4)  Il-Bord ta’ Tmexxija ma adottax il-pjan tal-baġit annwali 2011 f’Diċembru 2010 fejn ġiet inkluża stima tal-ammont ittrasferit.

(5)  Proċedura CS Nru 2.9.1, Proċedura Interim għall-validazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji rċevuti mill-Membri għall-eżekuzzjoni tal-GAMs 2011 u għall-aġġustamenti rċevuti għall-GAMs tas-snin preċedenti


10.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 6/18


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2013/C 6/03

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta Ewropea għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Konġunta tat-Teknoloġija dwar in-Nanoelettronika (l-Impriża Konġunta ENIAC), tinsab fi Brussell u twaqqfet f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin.

2.

L-objettiv prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li tiddefinixxi u timplimenta "Aġenda għar-Riċerka" għall-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin għan-nanoelettronika f’oqsma differenti ta’ applikazzjoni sabiex jissaħħu l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-Ewropa u jkun possibbli l-iżvilupp ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà (2).

3.

Il-Membri Fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Belġju, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit u l-Assoċjazzjoni għall-Attivitajiet Nanoelettroniċi Ewropej (AENEAS). Stati Membri oħrajn u pajjiżi assoċjati, kif ukoll kwalunkwe pajjiż ieħor jew kwalunkwe entità ġuridika oħra li kapaċi tagħti kontribuzzjoni finanzjarja sostanzjali għall-kisba tal-objettivi tal-Impriża Konġunta ENIAC, jistgħu jsiru membri tal-Impriża Konġunta ENIAC.

4.

Il-kontribuzzjoni massimu tal-UE lill-Impriża Konġunta ENIAC li tkopri l-ispejjeż operazzjonali u l-attivitajiet ta’ riċerka hija ta’ EUR 450 miljun li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru (3). L-AENEAS għandha tagħmel kontribuzzjoni massima ta’ EUR 30 miljun għall-ispejjeż operazzjonali tal-Impriża Konġunta. L-Istati Membri fl-ENIAC għandhom jagħmlu kontributi in natura għall-ispejjeż operazzjonali (permezz tal-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti), u jagħtu kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ mill-inqas 1,8 darbiet aktar mill-kontribuzzjoni tal-UE. Kontributi in natura għandhom jingħataw ukoll mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka li qegħdin jipparteċipaw fil-proġetti. L-organizzazzjonijiet li qed jipparteċipaw fil-proġetti ta’ riċerka għandhom jagħmlu kontributi in natura li huma minn tal-inqas daqs il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

5.

L-Impriża Konġunta ngħatat l-awtonomija finanzjarja tagħha fis-26 ta’ Lulju 2010.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

7.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Impriża Konġunta ENIAC, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

8.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7).

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

9.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (8). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (9) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (10) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

10.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

11.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC (11) u l-ISSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti etiċi u professjonali u li tippjana u twettaq l-awditu (verifika) sabiex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

12.

L-awditu (verifika) tal-Qorti jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula, inkluża l-valutazzjoni tagħha tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, sew jekk minħabba frodi jew inkella minħabba xi żball, jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditu (verifika) tagħha. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, jiġu meqjusa l-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet sabiex jiġu mfassla proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. L-awditu (verifika) tal-Qorti jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi użati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula mill-maniġment, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

13.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li tkun intemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha.

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

15.

L-istrateġija ta’ verifika ex-post  (12) tal-Impriża Konġunta ġiet adottata minn deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija fit-18 ta’ Novembru 2010 u hija kontroll ewlieni (13) għal valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-pagamenti magħmula fl-2011 li jirrelataw ma ċertifikati ta’ aċċettazzjoni tal-ispejjeż maħruġa mill-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali (NFAs) tal-Istati Membri ammontaw għal EUR 6,8 miljun, li jirrappreżentaw 45 % tat-total tal-pagamenti operazzjonali. L-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-verifika ex-post bdiet fl-2011.

16.

Il-verifika tal-klejms għall-ispejjeż tal-proġetti ġiet iddelegata lill-NFAs tal-Istati Membri. Il-ftehimiet amministrattivi ffirmati mal-NFAs ma jinkludux l-arranġamenti prattiċi għall-verifiki ex-post. Sa tmiem il-verifika (Settembru 2012), l-Impriża Konġunta ma kinitx irċeviet informazzjoni suffiċjenti relatata mal-istrateġiji tal-verifika tal-NFAs (14) u ma kinitx f’pożizzjoni li tivvaluta jekk l-istrateġija tal-verifika ex post tipprovdix assigurazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (15). Barra minn hekk, ma twettqet ebda verifika ex-post mill-NFAs fuq l-għotjiet imħallsa sal-aħħar tal-2011.

17.

L-informazzjoni disponibbli fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-verifika ex-post tal-Impriża Konġunta mhijiex suffiċjenti biex tikkonkludi jekk dan il-kontroll ewlieni hux qed jiffunzjona b’mod effettiv.

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

18.

Fl-opinjoni tal-Qorti, għajr għall-effetti possibli tal-kwistjoni deskritta fil-bażi għal opinjoni kwalifikata fil-paragrafi 15 sa 17, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

19.

Il-kummenti li jsegwu fil-paragrafi 20 sa 33 ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

20.

Il-baġit finali tal-2011 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament li ammontaw għal EUR 66 miljun u EUR 35 miljun rispettivament. Ir-rati ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament disponibbli kienu 97 % u 48 % (16) rispettivament. Mill-EUR 63,6 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli għal attivitajiet operazzjonali, EUR 20,1 miljun kienu implimentati bħala impenn globali għall-ewwel sejħa għall-proposti 2011 u EUR 42,2 miljun ġew implimentati bħala impenn globali għat-tieni sejħa għall-proposti 2011.

21.

Nuqqas ta’ proċeduri adegwati u dgħufijiet fil-kontroll kienu osservati fid-diżimpenjar ta’ approprjazzjonijiet mhux użati. Approprjazzjonijiet li kellhom jiġu implimentati sa tmiem l-2010 u approprjazzjonijiet li kellhom jiġu implimentati sa tmiem l-2011 ġew diżimpenjati f’Jannar 2012. L-impenn globali ta’ EUR 2,8 miljun li ma ntużax fuq il-linja tal-baġit tal-attivitajiet operazzjonali għall-2010 b’data finali ta’ implimentazzjoni tal-31 ta’ Diċembru 2011 ma ġiex diżimpenjat.

Sejħiet għall-proposti

22.

Is-sejħiet għall-proposti organizzati fl-2008, l-2009 u l-2010 rriżultaw fi ftehimiet ta’ għotja ffirmati li jammontaw għal total ta’ EUR 107,9 miljun, li jirrappreżentaw 25 % tal-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta għall-attivitajiet ta’ riċerka (17). Fl-2011, tnedew żewġ sejħiet għall-proposti li ammontaw għal EUR 62,3 miljun, imma l-firma tal-ftehimiet tal-għotja baqgħet għaddejja. Fl-2012, tnedew żewġ sejħiet oħra għall-proposti li ammontaw għal EUR 84,5 miljun. Matul l-2013, kieku jkollhom jiġu mnedija żewġ sejħiet oħra għall-proposti b’baġit ta’ EUR 185,3 miljun (42 %) sabiex il-kontribuzzjoni disponibbli tal-UE ta’ EUR 440 miljun tintuża kompletament.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

23.

L-Impriża Konġunta s’issa għadha ma implimentatx kontrolli interni u sistemi ta’ informazzjoni finanzjarja effettivi u effiċjenti b’mod sħiħ. Dan irriżulta fi żbalji u dewmien sinifikanti fir-rappurtar finanzjarju li ġew ikkoreġuti qabel l-adozzjoni tal-kontijiet finali.

24.

L-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Impriża Konġunta vvalida s-sistemi finanzjarji u kontabilistiċi (ABAC u SAP) fl-20 ta’ Diċembru 2010. Madankollu, il-proċessi ta’ negozju ta’ bażi li jipprovdu informazzjoni finanzjarja, b’mod partikolari dak li jipprovdi informazzjoni finanzjarja dwar il-validazzjoni u l-pagamenti tal-klejms għall-ispejjeż irċevuti mill-NFAs, ma ġewx ivvalidati matul l-2011.

KWISTJONIJIET OĦRAJN

Kapaċità ta’ Verifika Interna u s-Servizz ta’ Awditjar Intern tal-Kummissjoni

25.

L-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi lill-ENIAC jistipola li l-Impriża Konġunta għandha jkollha l-kapaċità tal-verifika interna. Madankollu, fi tmiem l-2011, dan l-element importanti tas-sistema ta’ kontroll intern kien għadu ma ġiex stabbilit.

26.

Fl-2011, is-Servizz ta’ Awditjar Intern tal-Kummissjoni wettaq eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju. Abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju, il-pjan strateġiku tal-verifika għall-2012-2014 ġie ppreżentat lill-Bord tat-Tmexxija għall-adozzjoni fit-22 ta’ Novembru 2011.

27.

Il-karta tal-missjoni tas-Servizz ta’ Awditjar intern tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Bord tat-Tmexxija fit-18 ta’ Novembru 2010. Madankollu, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta għadhom ma ġewx emendati sabiex jinkludu d-dispożizzjoni tar-Regolament ta’ Qafas (18) li jirreferi għas-setgħat tal-awditur intern tal-Kummissjoni.

Il-kontribuzzjoni tal-Istati Membri fl-ENIAC

28.

L-istatuti tal-Impriża Konġunta ENIAC jistipulaw li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri fl-ENIAC għandhom jammontaw għal total ta’ minn tal-inqas 1,8 drabi (19) tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE, filwaqt li l-għotjiet tal-Impriża Konġunta jistgħu jilħqu massimu ta’ 16,7 % tat-total tal-ispejjeż eliġibbli tal-proġetti. Għall-ewwel ħames sejħiet għall-proposti, il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Istati Membri fl-ENIAC ammontat għal 1,55 drabi tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE.

29.

Għall-kuntrarju tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta tal-ENIAC (20), il-Greċja qiegħda tuża l-fondi strutturali tal-EU biex tkopri l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħha lill-benefiċjarji Griegi tal-proġetti ENIAC (21) minflok ma tipprovdi finanzjament nazzjonali. L-Impriża Konġunta aċċettat li l-Greċja tkompli tipparteċipa fil-proġetti ENIAC imma ebda finanzjament m’huwa qed jiġi pprovdut mill-Impriża Konġunta lill-benefiċjarji Griegi, minħabba li mhuwiex permess kofinanzjament ma’ sors ieħor ta’ finanzjament tal-UE (22).

Rapport ta’ attività annwali

30.

Skont l-Artikoli 19(4) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta u l-Artikolu 40 tar-Regoli Finanzjarji, tagħha u d-Direttur Eżekuttiv huwa mitlub iħejji rapport ta’ attività annwali. Ir-rapport ta’ attività annwali għandu jindika r-riżultati tal-operazzjonijiet b’referenza għall-objettivi stabbiliti, ir-riskji assoċjati ma’ dawn l-operazzjonijiet, l-użu li jkun sar mir-riżorsi pprovduti u l-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern. Għandu jikkonferma wkoll li l-informazzjoni li tifforma l-kontenut tar-rapport tippreżenta stampa ċara u ġusta sakemm ma jkunx ġie speċifikat mod ieħor fi kwalunkwe riżerva relatata ma’ oqsma definiti ta’ dħul u nfiq.

31.

Ir-rapport ta’ attività annwali ma jinkludix valutazzjoni tal-effiċjenza u l-effettività tas-sistema ta’ kontroll intern. Ir-rapport annwali jinkludi d-dgħufijiet li ġejjin:

Nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-verifika ex-post li mhijiex suffiċjenti biex jiġi konkluż jekk il-kontroll ewlieni huwiex qed jiffunzjona b’mod effettiv u kellux iwassal għal riżerva.

Ebda informazzjoni dwar il-validazzjoni parzjali tas-sistemi finanzjarji u kontabilistiċi mill-uffiċjal kontabilistiku mhija pprovduta. L-uffiċjal kontabilistiku vvalida biss il-parti li taqa’ taħt il-kontroll dirett tal-Impriża Konġunta imma mhux is-sistemi li jipprovdu informazzjoni mill-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali (ara l-paragrafu 24).

Id-dgħufijiet fil-kontrolli identifikati fir-rigward tar-rappurtar dwar il-kontabilità u l-finanzi ma wasslux għal riżerva (ara l-paragrafu 23).

Segwitu tal-osservazzjonijiet preċedenti

32.

Matul l-2011 l-Impriża Konġunta stabbilixxiet Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju u għamlet progress fil-formalizzazzjoni tal-politiki tas-sigurtà tal-IT. Aktar xogħol huwa meħtieġ sabiex il-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru jiġi ffinalizzat.

33.

Il-ftehim mal-Istat Ospitanti (23) bejn l-Impriża Konġunta u l-awtoritajiet Belġjani dwar spazju għall-uffiċċji, il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jingħata ġie ffirmat fit-2 ta’ Frar 2012.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-15 ta’ Novembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ENIAC (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21).

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Is-Seba' Programm Kwadru, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1) jiġbor flimkien taħt saqaf wieħed l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka u għandu rwol kruċjali fil-kisba tal-miri ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(4)  Il-Qorti rċeviet il-kontijiet annwali proviżorji fit-30 ta’ Marzu 2012. Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazjoni tal-approprjazzjonijiet.

(5)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u l-anness għar-rapporti finanzjarji, li jinkludi deskrizzjoni tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(9)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(10)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Korpi tal-UE huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-regolamenti finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

(11)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(12)  L-istrateġija tal-verifika ex-post tal-Impriża Konġunta ENIAC tiddikjara li l-Impriża Konġunta għandha tfittex informazzjoni suffiċjenti fir-rigward tal-proċedura tal-verifika ex-post applikata fl-Istati Membri ENIAC biex iwettqu valutazzjoni tal-proċeduri nazzjonali fir-rigward tal-idoneità tagħhom li jipprovdu assigurazzjoni suffiċjenti fir-rigward tar-regolarità u l-legalità tat-tranżazzjonijiet relatati mal-proġetti tal-Impriża Konġunta ENIAC.

(13)  L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 72/2008 jiddikjara li l-Impriża Konġunta “għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha jkunu adegwatament protetti billi twettaq jew tqabbad lil min iwettaq kontrolli interni u esterni adatti” u li hija “għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki finanzjarji fost id-destinatarji tal-finanzjament pubbliku tal-Impriża Konġunta ENIAC. Il-kontrolli u l-verifiki għandhom isiru direttament mill-Impriża Konġunta ENIAC jew mill-Istati Membri fl-ENIAC f’isimha.”

(14)  L-Impriża Konġunta kienet irċeviet informazzjoni dwar strateġiji tal-verifika mingħand sebgħa minn tnejn u għoxrin NFA. Id-dokumentazzjoni rċevuta għas-seba’ NFAs fil-biċċa l-kbira tal-każijiet hija insuffiċjenti biex tippermetti lill-Impriża Konġunta tivvaluta l-proċeduri nazzjonali minħabba li m’huma pprovduti ebda dettalji prattiċi dwar l-arranġamenti tal-verifika (jiġifieri l-approċċ u l-metodoloġija tal-verifika, id-daqs tal-kampjun, it-tip ta’ kontrolli finanzjarji li jridu jitwettqu mill-NFAs, eċċ).

(15)  Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea vvaluta l-istrateġiji tal-verifika tal-Istati Membri fl-ENIAC. F’Ġunju 2012, huwa kkonkluda li l-istrateġija ex post attwali ma tipprovdix l-informazzjoni neċessarja biex tintlaħaq assigurazzjoni raġonevoli. Konsegwentement, l-istrateġija tal-verifika ex post ġiet reveduta u t-tranżazzjonijiet se jiġu ttestjati fuq bażi ta’ kkampjunar li jitlob lill-NFAs jagħtu dettalji tal-verifika u l-kontrolli mwettqa.

(16)  Ir-rata ta’ implimentazzjoni relattivament baxxa għal pagamenti operazzjonali hija spjegata bil-fatt li pagamenti mill-ENIAC jiġu kkawżati bil-wasla tard taċ-ċertifikat mill-awtoritajiet nazzjonali u b’dewmien fil-livell tal-Istati Membri fl-iffirmar tal-ftehim nazzjonali tal-għotja.

(17)  Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 72/2008 u l-Artikolu 11(5) għall-Anness tiegħu, il-kontribuzzjoni massima tal-UE li tkopri l-ispejjeż operazzjonali u l-attivitajiet ta’ riċerka tal-Impriża Konġunta għandha tkun ta’ EUR 450 miljun, li minnhom il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż operazzjonali ma tistax teċċedi EUR 10 miljun. Jekk parti mill-kontribuzzjoni tal-ispejjeż operazzjonali ma tintużax, din tista’ ssir disponibbli għall-attivitajiet ta’ riċerka.

(18)  Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(19)  L-Artikolu 11(6)(b) tal-Istatuti annessi mar-Regolament (KE) Nru 72/2008.

(20)  L-Artikolu 13(1) tal-Istatuti annessi mar-Regolament (KE) Nru 72/2008 jiddikjara li “Il-finanzjament pubbliku għal proġetti magħżula wara sejħiet għal proposti pubblikati mill-Impriża Konġunta ENIAC għandu jikkonsisti f'kontributi finanzjarji nazzjonali mill-Istati Membri fl-ENIAC u/jew f'kontribut finanzjarju mill-Impriża Konġunta ENIAC. Kull appoġġ pubbliku taħt din l-inzjattiva huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali u tal-għajnuna materjali tal-Istat meta dawn ikunu applikabbli.

(21)  Il-baġit totali tal-parteċipazzjoni Griega fil-proġetti ENIAC tas-sejħiet tal-2008, 2009 u l-2010 jammonta għal EUR 9,7 miljun (EUR 4,4 miljun f’fondi nazzjonali, EUR 1,6 miljun kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta u l-bqija mill-parteċipanti tal-proġetti).

(22)  L-Artikolu 54(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistipola d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25) jiddikjara li, “Infiq ko-finanzjat mill-Fondi m'għandux jirċievi għajnuna minn strument finanzjarju tal-Unjoni ieħor”.

(23)  Il-Paragrafu 25 tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2010 tal-Impriża Konġunta ENIAC, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (ĠU C 368, 16.12.2011, p. 48).


ANNESS

L-Impriża Konġunta ENIAC (Brussell)

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Impriża Konġunta hija korp Komunitarju u l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha hi għaldaqstant soġġetta għar-rilaxx mill-Parlament Ewropew, iżda b'kunsiderazzjoni għall-ispeċifiċitajiet li jirriżultaw min-natura tal-JTIs bħala partenarjati pubbliċi-privati u b'mod partikolari mill-kontribuzzjoni tas-settur pubbliku.

L-Impriża Konġunta ENIAC ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21).

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008)

L-objettivi

L-Impriża Konġunta ENIAC tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimonstrazzjoni (2007-2013) u t-tema "Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni" tal-Programm Speċifiku "Koperazzjoni". Din għandha b’mod partikolari:

tiddefinixxi u timplimenta l-Aġenda għar-Riċerka għall-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin għan-nanoelettronika madwar oqsma differenti ta’ applikazzjoni sabiex jissaħħu l-kompetittività u s- sostenibbiltà Ewropej u jkun possibbli l-iżvilupp ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà;

tappoġġa l-attivitajiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Aġenda għar-Riċerka (minn hawn 'il quddiem "attivitajiet ta’ R&Ż"), notevolment sabiex tagħti finanzjament lill-parteċipanti fi proġetti magħżula wara sejħiet kompetittivi għal proposti;

tippromwovi sħubija pubblika-privata bil-għan li jiġu mobilizzati u jinġabru flimkien l-isforzi Komunitarji, nazzjonali u dawk privati, li jiżdied l-investiment globali f'R&Ż fil-qasam tan-nanoelettronika, u titrawwem il-kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat;

tiżgura l-effiċjenza u d-durabbiltà tal-JTI dwar in-nanoelettronika;

tikseb sinerġija u koordinazzjoni tal-isforzi Ewropej ta’ R&Ż fil-qasam tan-nanoelettronika inkluża, l-integrazzjoni progressiva fl-Impriża Konġunta ENIAC tal-attivitajiet relatati f'dan il-qasam implimentat fil-preżent permezz ta’ skemi intergovernattivi ta’ R&Ż (EUREKA).

It-tmexxija

Il-Membri

Fi tmiem l-2011, il-membri tal-Impriża Konġunta ENIAC kienu: AENEAS li tirrappreżenta l-Industrija, l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-ENIAC (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit).

Il-Bord tat-Tmexxija

Il-Bord tat-Tmexxija jikkonsisti minn rappreżentanti tal-Membri tal-Impriża Konġunta ENIAC u l-President tal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà kumplessiva għall-operazzjoniiet tal-Impriża Konġunta ENIAC u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha.

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jikkonsisti mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-Impriża Konġunta ENIAC.

Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka

AENEAS għandu jaħtar il-membri tal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka.

Id-Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv huwa l-kap eżekuttiv responsabbli għat-tmexxija ġurnata b’ġurnata tal-Impriża Konġunta ENIAC u huwa r-rappreżentant legali tagħha.

Il-verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

L-awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2011

Il-baġit

Il-baġit ivvotat għall-2011 f’EUR:

 

Impenji

Pagamenti

TITOLU I - Persunal

1 488 801,72

1 488 801,72

TITOLU II - Amministrattiv

1 142 898,28

1 142 898,28

TOTAL TAT-TITOLI I & II

2 631 700,00

2 631 700,00

TITOLU III -Operazzjonali

63 646 170,00

32 426 000,00

TOTAL TAT-TITOLI I, II & III

66 277 870,00

35 057 700,00

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

 

Tabella tal-Persunal 2011

Okkupati fil-31.12.2011

Persunal temporanju

6

6

Persunal kuntrattwali

7

7

Total tal-persunal

13

13

Allokati lil:

 

 

Attivitajiet operazzjonali

6

 

Kompiti amministrattivi

4

 

Kompiti mħallta

3

 

L-attivitajiet u s-servizzi pprovduti fl-2011

A   PROGRESS OPERAZZJONALI LEJN L-OBJETTIVI

Stabbiliment ta’ aġenda għar-riċerka

Fi tmiem l-2011, l-ispejjeż totali eliġibbli tal-proġetti magħżula għall-finanzjament kienu aktar minn EUR 1 biljun. Huma jkopru l-oqsma kollha tar-R&Ż iddefiniti fil-Pjan ta’ Strateġija Multiannwali (MASP)

Għoti ta’ finanzjament lil parteċipanti

Mill-bidu tagħha, l-Impriża Konġunta ENIAC tat EUR 171,6 miljun lill-parteċipanti, aktar mill-EUR 109,3 miljun fi tmiem l-2010, fejn fl-2011 hija kisbet żieda ta’ 85 % meta mqabbel mas-sena preċedenti u dan juri li l-Impriża Konġunta ENIAC għamlet progress konsiderevoli.

Żieda fl-investimenti tar-R&Ż fin-nanoelettronika

Madwar 47 % tat-total ta’ madwar 3 700 riċerkatur involuti fir-R&Ż dwar in-nanoelettronika fl-2012 se jkunu ingaġġati fil-proġetti magħżula għall-finanzjament mill-Impriża Konġunta ENIAC, biex b’hekk tinkiseb sinerġija u koordinazzjoni tal-isforz Ewropew tar-R&Ż.

L-Impriża Konġunta ENIAC ikkoordinat l-attivitajiet tagħha primarjament mar-raggruppament CATERNE tal-EUREKA, li jikkoorganizza l-Forum Ewropew tan-Nanoelettronika.

Promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju

L-SMEs qegħdin fuq quddiem nett tal-proġetti tal-Impriża Konġunta ENIAC, fejn jirrappreżentaw 40,7 % tal-organizzazzjonijiet parteċipanti (30,5 % huma universitatjiet u istituti tar-riċerka u 28,8 % kumpaniji industrijali kbar).

B   PRESTAZZJONI FUNZJONALI

Is-sħubija tal-Impriża Konġunta ENIAC ma nbidlitx fl-2011.

L-organizzazzjoni pprogressat bil-kbir:

iċċaqilqet għall-binja White Atrium, installat l-uffiċċji l-ġodda u l-infrastruttura tal-IT tagħha

irreklutat u integrat membri ġodda fit-tim

it-trasferiment għar-repożitorju CIRCABC sar bla xkiel

strutturat il-ġestjoni tad-dokumenti tagħha

stabbilixxiet proċeduri għall-kompiti l-ġodda tagħha

ipprogressat fl-għeluq ta’ ftehimiet tal-għotja

wettqet u kienet responsabbli għal aktar minn 1 400 pagament mill-awtonomija

esegwiet l-ewwel analiżijiet tekniċi għall-proġetti li għadhom għaddejjin

ħarġet u kkonkludiet 2 sejħiet għal proposti f’sena waħda

irfinat u rrappurtat Indikaturi tal-Prestazzjoni Ewlenin

wettqet avvenimenti pubbliċi fuq skala kbira, ipproduċiet pubblikazzjonijiet fuq skala iżgħar u stqarrijiet għall-istampa li ġew milqugħin tajjeb

IMPLIMENTAZZJONI TAL-BAĠIT 2011

Fi tmiem is-sena, l-Impriża Konġunta ENIAC kienet ikkommettiet l-approprjazzjonijiet kollha għall-proġetti li nħolqu mis-Sejħiet 2011_1 (Is-sejħa 4) u 2011_2 (Is-sejħa 5) u kienet implimentat 48,09 % tal-pagamenti operazzjonali.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA ENIAC

15 - 17.

Sa mill-2010, l-Impriża Konġunta ENIAC involviet ruħha, flimkien mal-Impriża Konġunta Artemis, fi proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-proċeduri ta’ awditjar fl-Istati Membri tal-ENIAC. Fl-2011, skont il-pjan strateġiku tal-awditjar, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni, li jaġixxi bħala awditur intern tal-Impriża Konġunta, beda impenn konsultattiv dwar il-valutazzjoni ta’ jekk l-esekuzzjoni tal-istrateġiji ta’ awditjar diġà eżistenti fl-Istati Membri tal-ENIAC tistax tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli.

L-IAS lesta l-valutazzjoni fl-2012, fejn ikkonkluda li dan l-approċċ mhux ser jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa sabiex tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli. Konsegwentement, l-Impriża Konġunta ENIAC iddefinixxiet u bdiet tesegwixxi l-pjan ta’ awditjar ex post tagħha, li għandu jiġi kkompletat qabel l-aħħar tas-sena.

21.

L-Impriża Konġunta ENIAC sofriet minn nuqqas ta’ riżorsi fl-aħħar tal-2012 u esegwiet id-diżimpenn tard wisq. Ittieħdu azzjonijiet sabiex tiġi evitata kwalunkwe rikorrenza fil-ġejjieni, b’mod partikolari l-esekuzzjoni tal-pjan tal-kiri, li jiddefinixxi proċedura dettaljata għall-ġestjoni tal-għeluq tal-aħħar tas-sena, kif ukoll l-iffissar ta’ skadenzi stretti.

23.

L-Impriża Konġunta ENIAC għandha raġunijiet sodi sabiex tikkunsidra li l-operazzjonijiet finanzjarji kollha tagħha huma regolari u affidabbli. Iddaħħlu fis-seħħ pjanijiet dettaljati għall-monitoraġġ tal-kontabilità, iżda ġew iffaċċjati diffikultajiet serji fl-amministrazzjoni xierqa tas-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità. Din is-sitwazzjoni ġiet aggravata min-nuqqas ta’ programmi ta’ taħriġ adegwati, proċeduri ineżistenti applikabbli għall-każ tagħna u appoġġ insuffiċjenti disponibbli għall-utenti. Madankollu, l-iżbalji kollha msemmija b’konnessjoni ma’ din is-sejba fil-fatt issolvew. L-Impriża Konġunta ENIAC sejra tkompli tiddedika sforzi serji sabiex tegħleb id-diffikultajiet u tħaffef il-progress.

24.

Fl-20 ta’ Diċembru 2010 (1), wara tliet xhur biss mill-implimentazzjoni tal-baġit proprju, l-uffiċjal tal-kontabilità vvalida s-sistemi finanzjarji u tal-kontabilità implimentati fl-Impriża Konġunta ENIAC u inkluda għadd ta’ rakkomandazzjonijiet fid-deċiżjoni tal-validazzjoni tiegħu.

Fl-2011, l-Impriża Konġunta ENIAC għaddiet minn perjodu ta’ bidliet frekwenti, ikkawżati miċ-ċaqliq għal bini ġdid, l-użu ta’ infrastruttura tal-IT kompletament ġdida għat-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħha, l-esekuzzjoni tal-proċess ta’ reklutaġġ li żied l-għadd ta’ impjegati b’mod konsiderevoli u l-fatt li esperjenzat żieda qawwija fil-livell globali ta’ attività. Konsegwentement, iċ-ċirkwiti finanzjarji għaddew minn evoluzzjoni qawwija u kontinwa. Għalkemm is-sistemi ta’ kontroll intern qegħdin ikomplu jissaħħu u jiġu ottimizzati, il-validazzjoni kumplimentarja saret possibbli fl-2012, ladarba ċ-ċirkwiti u s-sistemi ġew stabbilizzati wara l-ewwel eżerċizzju baġitarju sħiħ amministrat b’mod awtonomu. Dan sar fil-25 ta’ Ġunju 2012, inkluż ukoll analiżi tal-attivitajiet u l-proċessi amministrattivi ewlenin imwettqa mill-Impriża Konġunta ENIAC bil-għan li tappoġġja s-sistemi tal-ġestjoni finanzjarja.

25.

Il-funzjoni tal-IAC ġiet stabbilita fis-7 ta’ Frar 2011 matul it-13-il laqgħa tal-Bord tat-Tmexxija, li mbagħad ġiet issodisfata mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni. Fis-6 ta’ Ottubru 2011, l-IAS għarraf lill-Impriża Konġunta ENIAC li l-provvista tas-servizzi tal-IAC “sfortunatament jeħtieġ li jiġu sospiżi għall-mument”, minħabba d-diskussjonijiet li għadhom għaddejjin fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni. Billi ma kien hemm ebda progress fl-iżblokkar ta’ din il-funzjoni, fl-2012 l-Impriża Konġunta ENIAC iddeċidiet li tassenja membru tal-persunal tagħha għall-funzjoni tal-IAC skont id-deċiżjoni ENIAC-ED-88-12 tal-25 ta’ April 2012.

27.

L-emenda tar-Regolament Finanzjarju Qafas taqa’ fi ħdan il-kompetenza tal-Kummissjoni, li attwalment tinsab fil-proċess li tħejji l-allinjament tar-Regolament Finanzjarju Qafas eżistenti mar-Regolament Finanzjarju Ġenerali l-ġdid tal-UE. L-Impriża Konġunta ENIAC għandha tadotta l-verżjoni riveduta malli tkun disponibbli.

28.

Il-kontribuzzjonijiet tal-Impriża Konġunta ENIAC lil kwalunkwe parteċipant fil-proġetti li jirriżultaw minn sejħa għall-proposti partikolari għandhom ikunu eżatt fl-istess perċentwal tal-ispejjeż eliġibbli totali li jġarrab il-parteċipant. Il-perċentwali tal-kontribuzzjoni tal-Istati Membri tal-ENIAC huwa limitat għad-differenza bejn l-intensità massima tal-għajnuna mill-Istat speċifikata fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 u l-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta ENIAC. Pereżempju, jekk il-perċentwali tal-Impriża Konġunta ENIAC ikun ta’ 16,7%, imbagħad l-Istat Membru tal-ENIAC ivarja minn 8,3% (fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat b’massimu ta’ 25% għal impriża kbira fi żvilupp sperimentali) għal 83,3% (għal Università). L-intensità medja tal-għajnuna li jista’ jikkontribwixxi l-Istat Membru tal-ENIAC hija imprevedibbli, billi tiddependi mit-tip ta’ riċerka u żvilupp (R&D) imwettqa, l-istatus tal-parteċipanti u l-ammonti li jieħu kull wieħed minnhom. Wara li ġie nnotat li l-medja oriġinat mill-proporzjon speċifikat ta’ 1,8, fl-2012 il-KE pproponiet li tnaqqas il-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta ENIAC għal 15%, għalkemm dan irriżulta wkoll fi tnaqqis tal-volum totali ta’ riċerka u żvilupp, f’kontradizzjoni mal-objettiv ġenerali li jiżdiedu l-investimenti ta’ riċerka u żvilupp.

29.

Il-kondizzjoni li taħtha l-Greċja kienet qiegħda tipparteċipa fil-programm mhijiex qiegħda tikkontradixxi l-istatuti tal-Impriża Konġunta ENIAC. L-għan u l-objettivi ġenerali tal-programm jikkonsistu fil-kisba tas-sinerġiji u l-koordinazzjoni għall-iżgurar ta’ parteċipazzjoni wiesgħa fil-proġetti.

F’dak il-kuntest, u b’mod konformi għal kollox mal-Istatuti, fil-programm hemm numru ta’ entitajiet ġuridiċi li huma membri leġittimi ta’ konsorzju wara l-iffirmar tal-formola tal-adeżjoni definita fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja tal-Impriża Konġunta, għalkemm huma ma jirċievu ebda finanzjament mill-Impriża Konġunta jew inkella ma ffirmaw ebda ftehim ta’ għotja nazzjonali. Dan huwa l-każ għall-entitajiet ġuridiċi li jirċievu appoġġ finanzjarju reġjonali jew li jinsabu f’pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-ENIAC.

Il-projbizzjoni tal-parteċipazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi mill-Istati Membri tal-ENIAC għal tali raġunijiet tikkostitwixxi diskriminazzjoni fir-rigward tal-parteċipanti minn pajjiżi li mhumiex Stati Membri tal-ENIAC, li ma għandhom ebda obbligu li jiżvelaw is-sorsi tagħhom ta’ finanzjament nazzjonali, jekk ikun hemm. Dan jikkontradixxi l-objettivi ġenerali tal-programm.

31.

Ir-Rapport ta’ Attività Annwali 2011 jinkludi analiżi dettaljata tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-ICS fil-kapitolu 3.1. L-istatus tal-attivitajiet ta’ awditjar ex post huwa inkluż fil-Paragrafu 3.1.14. L-istatus tal-validazzjoni tas-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità ma nbidilx fir-rigward tas-sena preċedenti, għar-raġunijiet elenkati taħt il-Paragrafu 24.

Billi l-Impriża Konġunta ENIAC (2) tistipula fl-Artikolu 19.4 li “Ir-Rapport ta’ Attività Annwali għandu jiġi ppreżentat mid-direttur eżekuttiv flimkien mal-kontijiet annwali u l-karti tal-bilanċi.”, l-Impriża Konġunta ENIAC hija tal-fehma li r-riżervi fformulati u inklużi fid-dokumenti msemmija l-aħħar japplikaw ukoll għad-dokumenti li ssemmew l-ewwel, u ma jiġux iddupplikati.

32.

Fit-28 ta’ Jannar 2011, l-Impriża Konġunta ENIAC iffinalizzat u vvalidat il-pjan ta’ kontinwità tan-negozju tagħha u stabbilixxiet ċirkwit finanzjarju speċifiku sabiex tiġi żgurata l-kontinwità f’każ ta’ kriżi. Id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jikkostitwixxu l-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru li mhuwiex elaborat bħala dokument separat.

Dan il-pjan huwa sottomess għal titjib u reviżjonijiet perjodiċi; l-aħħar reviżjoni li ħadet f’kunsiderazzjoni l-evoluzzjonijiet importanti matul l-2011 ġiet iffinalizzata fl-20 ta’ April 2012, li kienet tinkludi aktar dispożizzjonijiet dettaljati li jindirizzaw l-irkupru minn diżastru.


(1)  L-Impriża Konġunta ENIAC kisbet il-kapaċità sabiex timplimenta l-baġit proprju tagħha f’Settembru 2010.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21).


10.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 6/27


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2013/C 6/04

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta Ewropea għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (l-Impriża Konġunta IMI), lokalizzata fi Brussell, twaqqfet f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin.

2.

L-objettiv tal-Impriża Konġunta IMI huwa li ttejjeb b'mod sinifikanti l-effikaċja u l-effettività tal-proċess ta’ żvilupp tal-mediċini bil-għan fuq żmien twil li s-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effettivi u siguri (2).

3.

Il-Membri Fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni u l-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA). Kwalunkwe entità legali li direttament jew indirettament tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat mas-Seba’ Programm Kwadru (3) tista’ tapplika biex issir Membru tal-Impriża Konġunta IMI.

4.

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta IMI biex jiġu koperti l-ispejjeż operazzjonali u l-attivitajiet tar-riċerka hija ta’ EUR 1 biljun li jrid jitħallas mis-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka. L-UE u l-EFPIA, bħala Membri Fundaturi, għandhom jikkontribwixxu b’mod ugwali għall-ispejjeż operazzjonali, fejn kull wieħed għandu jikkontribwixxi ammont li ma jeċċedix l-4 % tal-kontribuzzjoni totali tal-UE. Membri oħra għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż operazzjonali proporzjonalment mal-kontribuzzjoni tagħhom għall-attivitajiet tar-riċerka. Il-kumpaniji tar-riċerka li huma membri tal-EFPIA għandhom jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ attivitajiet tar-riċerka permezz ta’ kontributi in natura  (4) minn tal-inqas ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE (5).

5.

L-Impriża Konġunta bdiet tiffunzjona b’mod awtonomu fis-16 ta’ Novembru 2009.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

7.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (6) tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (7) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (8) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

8.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (9).

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

9.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (10). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (11) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (12) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

10.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

11.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (13). Dawk l-istandards jeżiġu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti etiċi u professjonali u li tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet ikunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

12.

L-awditu (verifika) tal-Qorti jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula, inkluża l-valutazzjoni tagħha tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball, jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditjar (verifika) tagħha. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet mill-entità sabiex jitfasslu l-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. L-awditu (verifika) tal-Qorti jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula mill-maniġment, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

13.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li tkun intemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha.

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

15.

L-istrateġija tal-verifika ex-post tal-Impriża Konġunta ġiet adottata b’deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija fl-14 ta’ Diċembru 2010 u hija kontroll prinċipali għall-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (14). Il-verifiki ex-post ġew ikkompletati f’Settembru 2012 koprew EUR 2,2 miljun (18,8 % tal-kontribuzzjoni aċċettata tal-Impriża Konġunta IMI għall-ewwel sejħa vvalidata mill-Impriża Konġunta IMI sa Ġunju 2011). Ir-rata ta’ żball li rriżultat minn dawn il-verifiki ex-post kienet 6,84 % (15).

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

16.

Fl-opinjoni tal-Qorti, għajr għall-effetti tal-kwistjonijiet deskritti fil-paragrafu 15, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċemru 2011, huma fl-aspetti materjali, legali u regolari.

17.

Il-kummenti segwenti fil-paragrafi 18-32 ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

18.

Il-baġit annwali u l-pjan ta’ implimentazzjoni 2011 ġew adottati mill-Bord ta’ Tmexxija fl-4 ta’ April 2011 (16) minħabba fil-ħin meħud biex jiġu stabbiliti u jsir qbil dwar il-prijoritajiet xjentifiċi li jridu jiġu inklużi fil-pjan ta’ implimentazzjoni annwali. Dan ittardja l-varatura tas-sejħa għall-proposti. Matul is-sena, l-Impriża Konġunta varat ir-raba’ sejħa għall-proposti, iffirmat ħames ftehimiet ta’ għotja għat-tielet sejħa għall-proposti u tmien ftehimiet ta’ għotja għat-tieni sejħa għall-proposti.

19.

Ir-rata ta’ implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 159 miljun, disponibbli għal attivitajiet ta’ riċerka, kienet 66 % u ġiet implimentata permezz ta’ impenn globali li jkopri r-raba’ sejħa għall-proposti. Il-livell għoli ta’ approprjazzjonijiet mhux użati tal-baġit amministrattiv (44 %) jindika li din ma kinitx ibbażata fuq stimi realistiċi.

20.

Approprjazzjonijiet ta’ impenn li jammontaw għal EUR 117-il miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament li jammontaw għal EUR 65 miljun mhux użati fis-sena finanzjarja 2010 ġew riportati għall-2011 u approprjazzjonijiet ta’ impenn li jammontaw għal EUR 62 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament li jammontaw għal EUR 11-il miljun mhux użati matul is-sena finanzjarja 2011 ġew riportati għall-2012.

Sejħiet għall-proposti

21.

Is-sejħiet għall-proposti organizzati fl-2008, 2009 u 2010 rriżultaw fi ftehimiet ta’ għotja ffirmati li jammontaw għal EUR 269 miljun fi tmiem l-2011. Fl-2011 ir-raba’ sejħa għall-proposti ġiet varata b’kontribuzzjoni tal-UE b’baġit indikattiv ta’ EUR 105 miljun. Fl-2012 il-ħames sejħa għall-proposti ġiet varata b’kontribuzzjoni tal-UE b’baġit indikattiv ta’ EUR 80 miljun. Konsegwentement, jekk is-sejħiet għall-proposti jibqgħu fil-livell kurrenti, huwa probabbli ħafna li t-total disponibbli tal-kontribuzzjoni tal-UE ma jintużax.

Inkonsistenzi bejn id-Deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija u r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u dik finanzjarja

22.

Fir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u dik finanzjarja, l-ammont totali tal-kapitolu 30-C2 “Aġenda għar-riċerka” (EUR 117-il miljun) huwa anqas mil-linja tal-baġit B03000-C2 (EUR 141 miljun) li hija parti mill-kapitolu msemmi qabel. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tat-28 ta’ Jannar 2011 tawtorizza biss ir-riport ta’ EUR 115-il miljun ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn, filwaqt li r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u dik finanzjarja jiżvela riport ta’ EUR 117-il miljun.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

23.

Matul l-2011 ġie nnutat progress sinjifikanti fir-rigward tas-sistemi ta’ kontroll intern. Madankollu, jinħtieġ aktar xogħol sabiex jiġu stabbiliti u ddokumentati l-proċeduri tal-baġit u tal-kontabilità u l-kontrolli relatati. Barra minn hekk, ma twettqet ebda valutazzjoni formali tas-sistema ta’ kontroll intern matul l-2011.

24.

L-Uffiċjal tal-Kontabilità rrapporta dwar il-validazzjoni tas-sistema kontabilistika fis-27 ta’ Settembru 2012 u enfasizza dgħufijiet sinifikanti li għandhom bżonn jiġu indirizzati (17).

Metodoloġija għall-evalwazzjoni ta’ kontributi in natura

25.

Il-metodoloġija għall-evalwazzjoni ta’ kontributi in natura  (18) ġiet approvata mill-Bord ta’ Tmexxija fil-11 ta’ Novembru 2011. Il-kontributi in natura huma vvalidati permezz ta’ ċertifkazzjoni ex-ante u verifiki ex-post. Fl-2011 ma twettqet ebda ċertifikazzjoni ex-ante u ebda verifika ex-post.

KWISTJONIJIET OĦRAJN

Uffiċċju tal-awditjar intern u s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni

26.

Fl-2011 is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni u l-Kapaċità tal-Verifika Interna tal-Impriża Konġunta wettqu eżerċizzju ta’ valutazzjoni tar-riskju u l-pjan strateġiku tal-verifika għall-2012-2014 ġie approvat mill-Bord ta’ Tmexxija fit-3 ta’ Novembru 2011.

27.

Il-karta tal-missjoni tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Bord ta’ Tmexxija fit-8 ta’ Marzu 2011. Madankollu, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta s’issa għadhom ma ġewx emendati biex jinkludu d-dispożizzjoni tar-Regolament Strutturali (19).

28.

L-Impriża Konġunta kisbet l-awtonomija tagħha f’Novembru 2009, imma ma sar ebda xogħol ta’ verifika ta’ assigurazzjoni interna sa Marzu 2012 la mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni u lanqas mill-maniġer tal-verifika interna. Il-maniġer tal-verifika interna huwa involut direttament f’attivitajiet operazzjonali (l-implimentazzjoni tal-istrateġija ex-post, il-qafas tal-KPI, l-analiżi taċ-ċertifikat ex-ante dwar il-kontributi in natura) u ingaġġi oħra ta’ konsultazzjoni.

Drittijiet tal-verifika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

29.

Id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ għotja ma jirrikonoxxux id-dritt tal-Qorti tal-Awdituri li tivverifika l-kontributi in natura ta’ kumpaniji EFPIA għalkemm dawn huma rreġistrati fir-rapporti finanzjarji tal-IMI. Huwa stmat li dawn il-kontribuzzjonijiet se jirrappreżentaw madwar EUR 1 biljun tul ħajjet l-IMI.

Segwitu tal-osservazzjonijiet preċedenti

30.

Ftehim mal-Istat Ospitanti bejn l-Impriża Konġunta u l-Belġju dwar spazju għall-uffiċċji, privileġġi u immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jingħata mill-Belġju ġie konkluż fit-02 ta’ Frar 2012.

31.

Matul l-2011 l-Impriża Konġunta għamlet progress fil-formalizzazzjoni tal-politiki ta’ sigurtà tal-IT. Madankollu, il-pjan tal-kontinwità tan-negozju u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru ma ġewx iffinalizzati.

Rapport ta’ attività annwali

32.

Skont l-Artikolu 6.4 tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta u l-Artikolu 41 tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta IMI, id-Direttur Eżekuttiv huwa meħtieġ li jabbozza rapport ta’ attività annwali inkluża dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni li tiddikjara li l-informazzjoni li hemm fir-rapport tirrappreżenta stampa vera u ġusta għajr hekk kif speċifikat mod ieħor fi kwalunkwe riżerva. Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni nħarġet fi Frar 2012 mingħajr riżerva minkejja n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-effettività tal-istrateġija tal-verifika ex-post, li hija l-kontroll ewlieni għan-nefqa operazzjonali.

Dan ir-Rapport kien adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-13 ta’ Novembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 38).

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Is-Seba' Programm Kwadru, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1), jiġbor flimkien taħt saqaf wieħed l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka u għandu rwol kruċjali fil-kisba tal-miri ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(4)  Skont l-Artikolu 11(4) tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 73/2008 li jwaqqaf l-Impriża Konġunta, il-kontributi in natura huma “kontributi mhux monetarji minn kumpaniji farmaċewtiċi bbażati fuq ir-riċerka li huma membri tal-EFPIA, b'riżorsi (bħal persunal, tagħmir, oġġetti ta’ konsum, eċċ.).”. Il-kontribuzzjoni mill-kumpaniji tar-riċerka għandha minn tal-inqas tkun l-istess bħall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

(5)  Skont l-Artikolu 11(5) tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 73/2008 li jwaqqaf l-Impriża Konġunta, “il-kumpaniji farmaċewtiċi bbażati fuq ir-riċerka parteċipanti, li huma membri tal-EFPIA m'għandhomx ikunu eliġibbli biex jirċievu ebda appoġġ finanzjarju mill-Impriża Konġunta għall-IMI għal kwalunkwe attività”.

(6)  Il-Qorti rċeviet il-kontijiet annwali fl-1 ta’ Lulju 2012 u corrigendum għal dawn il-kontijiet fit-12 ta’ Ottubru 2012. Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet fost id-diversi partiti tal-baġit.

(7)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u l-anness għar-rapporti finanzjarji, li jinkludi deskrizzjoni tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(8)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(9)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(10)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(11)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(12)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-korpi tal-UE huma stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

(13)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(14)  L-Artikolu 12(4) tar-Regolament (KE) Nru 73/2008 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta jiddikjara li “L-Impriża Konġunta għall-IMI għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki finanzjarji fost il-parteċipanti tal-attivitajiet ta’ Riċerka ffinanzjati mill-Impriża Konġunta għall-IMI.” Verifiki ex-post jistgħu jidentifikaw nefqiet ineliġibli kklejmjati mill-benefiċjarji li mbagħad ikunu soġġetti għal proċeduri ta’ rkupru.

(15)  Ir-rata ta’ żball tiġi kkalkolata billi tintuża medja tad-dikjarazzjonijiet eċċessivi li jinstabu fil-klejms differenti tal-ispejjeż ippeżati skont l-ammont tagħhom.

(16)  Abbażi tal-Artikolu 14 tar-regoli finanzjarji tal-IMI, ir-regola tal-baġit 1/12 intużat sabiex isiru l-pagamenti sakemm ma ġie adottat il-baġit.

(17)  Osservazzjonijiet importanti rrappurtati mill-uffiċjal tal-kontabilità: (a) ebda użu ta’ metodoloġija preċiża u stabbilita għall-kalkolu tad-dovuti fi tmiem is-sena finanzjarja (b) titjib tal-ġestjoni tat-teżor u l-prattiċi tal-arkivjar (c) formalizzazzjoni tal-approvazzjoni tal-abbozz aġġornat tal-manwal tal-proċeduri finanzjarji (d) żgurar ta’ dokumentazzjoni ta’ sostenn kompleta fil-fajls ta’ pagament (e) introduzzjoni ta’ għodda tal-IT sabiex il-kuntratti u l-ftehimiet jiġu rreġistrati u ġestiti aħjar.

(18)  Kontributi in natura huma l-ispejjeż eliġibbli mġarrba mill-entitajiet legali li jipparteċipaw fl-attivitajiet li mhumiex rimborżati mill-Impriża Konġunta.

(19)  Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.


ANNESS

Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi (Brussell)

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(Siltiet mill-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Artikolu 187: L-Unjoni tista’ toħloq impriżi komuni (konġunti) jew kull struttura oħra neċessarja għall-eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni tal-Unjoni.

L-Artikolu 188: Il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 187.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 183, 184 u 185. Adozzjoni tal-programmi supplimentari teħtieġ il-ftehim tal-Istati Membri kkonċernati.

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

L-objettivi (l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 73/2008 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta)

L-Impriża Konġunta għall-IMI għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru u b'mod partikolari t-Tema "Saħħa" tal-Programm Speċifiku Kooperazzjoni li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru. Hija għandha jkollha l-objettiv li ttejjeb b'mod sinjifikanti l-effiċjenza u l-effettivitità tal-proċess ta' żvilupp tal-mediċini bil-għan fuq perjodu fit-tul li s-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effettivi u siguri. B'mod partikolari, hi għandha:

(a)

tappoġġa 'ir-riċerka u l-iżvilupp farmaċewtiċi prekompetittivi' fl-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba' Programm Kwadru permezz ta' approċċ ikkoordinat sabiex jingħelbu l-ostakoli fir-riċerka identifikati fil-proċess tal-izvilupp tal-mediċini;

(b)

tappoġġa l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta' riċerka kif stabbiliti mill-Aġenda ta' Riċerka tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar "Mediċini Innovattivi" (minn hawn 'il quddiem imsejħa "Attivitajiet ta' Riċerka"), b'mod partikolari permezz ta' għotjiet wara sejħiet kompetittivi għal proposti;

(c)

tiżgura l-komplimentarjetà ma' attivitajiet oħrajn tas-Seba' Programm Kwadru;

(d)

tkun sħubija pubblika-privata bil-għan li żżid l-investimenti tar-riċerka fis-settur bijofarmaċewtiku, fl-Istati Membri u fil-pajjiżi assoċjati mas-Seba' Programm Kwadru billi jinġabru r-riżorsi u titrawwem il-kollaborazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati;

(e)

tippromwovi l-involviment tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fl-attivitajiet tagħha, b'konformità mal-objettivi tas-Seba' Programm Kwadru.

Il-kompiti (L-Artikolu 1 tal-Anness – L-Istatuti tal-Impriża Konġunta għall-Implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi)

Il-kompiti u l-attivitajiet prinċipali tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (minn issa 'l quddiem imsejħa l-Impriża Konġunta IMI) għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

li jiġu żgurati l-istabbiliment u l-ġestjoni sostenibbli tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar ‘Mediċini Innovattivi’;

(b)

li jiġi definit u jitwettaq il-pjan ta' implimentazzjoni annwali msemmi fl-Artikolu 18 permezz ta' sejħiet għal proġetti;

(c)

li ssir reviżjoni regolari u jsiru l-aġġustamenti meħtieġa għall-Aġenda ta' Riċerka tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar "Mediċini Innovattivi" fid-dawl ta' żviluppi xjentifiċi li jseħħu waqt l-implimentazzjoni tagħha;

(d)

li r-riżorsi meħtieġa tas-settur pubbliku u privat jiġu mobilizzati;

(e)

li tiġi stabbilta u żviluppata kooperazzjoni mill-qrib u għall-perjodu fit-tul bejn il-Komunità, l-industrija u l-partijiet interessati l-oħra bħal korpi regolatorji, organizzazzjonijiet tal-pazjenti, l-akkademja u ċ-ċentri kliniċi, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-industrija u l-akkademja;

(f)

li tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni mal-attivitajiet nazzjonali u internazzjonali f'dan il-qasam;

(g)

li jitwettqu attivitajiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni;

(h)

li jkun hemm komunikazzjoni u interazzjoni mal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba' Programm Kwadru permezz ta’ grupp stabbilit speċifikament għal dan il-għan (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati għall-IMI);

(i)

li tiġi organizzazzata mill-anqas laqgħa annwali (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-Forum tal-Partijiet Interessati) mal-gruppi ta’ interess biex jiġu żgurati ftuħ u trasparenza tal-Attivitajiet ta’ Riċerka tal-Impriza Konġunta għall-IMI mal-partijiet interessati tagħha;

(j)

li jiġu avżati l-entitajiet ġuridiċi li jkunu kkonkludew ftehim ta’ għotja (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ Ftehim ta’ Għotja) mal-Impriza Konġunta għall-IMI bl-opportunitajiet ta’ self potenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment, b'mod partikolari l-Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju stabbilita skont is-Seba' Programm Kwadru;

(k)

li tiġi ppubblikata informazzjoni dwar il-proġetti, inkluż l-isem tal-parteċipanti, u l-ammont tal-kontribut finanzjarju tal-Impriza Konġunta għall-IMI għal kull parteċipant;

(l)

li tiġi żgurata l-effiċjenza tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar “Mediċini Innovattivi”;

(m)

li titwettaq kwalunkwe attività oħra meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

It-tmexxija

(L-Artikolu 4 tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 73/2008 - L-Istatuti tal-Impriża Konġunta għall-Implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi)

1 -   Il-Bord ta’ Tmexxija

2 -   Id-Direttur Eżekuttiv

3 -   Il-Kumitat Xjentifiku

4 -   Żewġ Korpi Konsultattivi

Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati fl-IMI u l-Forum tal-Partijiet Interessati

5 -   Il-verifika interna:

L-Awditur Intern tal-Kummissjoni Ewropea

(L-Artikolu 10 tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 73/2008 - L-Istatuti tal-Impriża Konġunta għall-Implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi)

Il-kapaċità ta’ verifika interna fi ħdan l-Impriża Konġunta IMI

(L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 73/2008)

6 -   Il-verifika esterna:

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

(L-Artikolu 17(5) tal-Istatuti annessi mar-Regolament (KE) Nru 73/2008 u l-Artikolu 126 tar-regoli finanzjarji tal-IMI)

7 -   L-awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

(L-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 73/2008 u l-Artikolu 129 tar-regoli finanzjarji tal-IMI)

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2011

Il-baġit Il-baġit finali kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 285 379 570 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 88 898 250 miljun. Dawn l-ammonti kienu jinkludu approprjazzjonijiet riportati mill-2010 ta’ EUR 116 862 090 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 64 506 677 f’approprjazzjonijiet ta’ pagament.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

31 kariga previsti fit-tabella tal-persunal (26 Aġenti Temporanji + 5 Aġenti b’Kuntratt), li minnhom 31 kienu okkupati.

Il-persunal:

Aġenti Temporanji: 26

Persunal b’kuntratt: 6 (Aġent minnhom b’kuntratt ġie rreklutat minn qabel sabiex ikopri l-liv tal-maternità ta’ Aġent Temporanju minnhom)

Esperti Nazzjonali Ssekondati: 0

Persunal lokali: 0

Allokati lil:

Attivitajiet operazzjonali: 6

Kompiti amministrattivi: 8 (1)

Kompiti orizzontali: 17

L-attivitajiet u s-servizzi pprovduti fl-2011

Varat jew ħejjiet għal sejħiet ġodda għall-proposti, evalwazzjoni, negozjar, ġestjoni ta’ għotjiet, kuntatt kontinwu, appoġġ u gwida lil benefiċjarji u parteċipanti oħrajn, komunikazzjoni u organizzazzjoni ta’ laqgħat u avvenimenti ma’ partijiet interessati ewlenin, kif ukoll konsultazzjonijiet u appoġġ lill-Membri Fundaturi dwar l-istrateġija ta’ riċerka ta’ mediċini innovattivi u attivitajiet assoċjati.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta IMI.


(1)  in-numru jirreferi għal assistenti amministrattivi b’kompiti amministrattivi.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta IMI.


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA TAL-INIZJATTIVA TAL-MEDIĊINI INNOVATTIVI

Paragrafu 15

L-IMI JU tilqa’ l-konklużjoni pożittiva tal-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet kollha li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta bl-eċċezzjoni unika tal-iżbalji materjali misjuba mill-IMI JU fir-rigward tal-pagamenti interim għall-ewwel pretensjonijiet ta’ sejħa. Il-pagamenti interim fl-2011 laħqu l-20 % (EUR 15.2 miljun) mill-pagamenti mħallsa mill-IMI JU fl-2011 (EUR 74.3 miljun) u 22 % mill-pagamenti magħmula mill-IMI JU lill-benefiċjarji (EUR 69.0 miljun).

Barra minn hekk, mingħajr ma kkuntestat il-kalkolu tar-rata ta’ żball tal-Qorti stess li huwa bbażat fuq l-ewwel verifiki tal-IMI JU, ir-rata ta’ żball residwu u osservata u li tirriżulta minn dawn il-verifiki ex-post iffinalizzati, bl-applikazzjoni tal-metodoloġija stabbilita fl-istrateġija tal-verifika ex-post tal-IMI JU, kienu ta’ 4.58 % u 3.72 % rispettivament sa Settembru 2012. Dan ir-riżultat huwa bbażat fuq numru relattivament limitat ta’ verifiki konklużi, u kkonċentra fuq benefiċjarji mhux ivverifikati jew ġodda mill-ewwel proġetti tal-IMI, fejn wieħed jista’ jistenna rata ogħla ta’ żbalji.

L-2011 kienet l-ewwel sena sħiħa ta’ kontroll ex-ante u ex-post bit-tnedija ta’ verifiki malli l-ewwel pretensjonijiet ta’ spejjeż relatati mal-proġetti tal-Ewwel Sejħa ġew ivvalidati u mħallsa. L-iżbalji rrapportati mill-Qorti bħala l-bażi għal opinjoni kkwalifikata nstabu mis-sistema ta’ kontroll intern tal-IMI JU stess u dan fih innifsu juri l-effikaċja ta’ dan il-proċess. Barra minn hekk, il-bażi multiannwali tal-istrateġija u l-operazzjonijiet tal-IMI JU tfisser ukoll li hemm bżonn ta’ aktar żmien qabel ma tkun tista’ ssir valutazzjoni sħiħa dwar l-impatt ta’ dawn il-kontrolli.

Madankollu, l-IMI JU tirrikonoxxi r-riskji relatati mal-ġestjoni tal-għotjiet u qiegħda tieħu l-miżuri xierqa kemm fuq livell ex-ante kif ukoll fuq livell ex-post biex issegwi u tikkoreġi l-iżbalji misjuba mill-awditjar ex-post iffinalizzat. Barra minn hekk, qegħdin jiġu introdotti inizjattivi ġodda bl-għan li tiġi evitata l-okkorrenza ta’ żbalji bħal dawn fost il-parteċipanti eżistenti u dawk ġodda fil-proġetti tal-IMI JU. Dawn inkludew it-tisħiħ ulterjuri tal-kontrolli ex-ante sabiex ikun hemm aktar sejbien u korrezzjoni ta’ żbalji qabel il-validazzjoni tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż, l-organizzazzjoni tal-workshops finanzjarji u l-iżvilupp tal-gwida li għandha l-għan li żżid l-għarfien u l-fehim tal-parteċipanti fuq kwistjonijiet ewlenin bħall-eliġibbiltà tal-ispejjeż u l-importanza li tinżamm dokumentazzjoni ta’ appoġġ xierqa f’dak li għandu x’jaqsam mal-pretensjonijiet sottomessi. Dan huwa aktar u aktar importanti peress li parti kbira mill-parteċipanti huma intrapriżi żgħar u medji filwaqt li entitajiet oħrajn mhumiex familjari mal-programmi ta’ riċerka tal-UE.

Paragrafu 19

Il-baġit kien ibbażat fuq id-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji Leġiżlattivi u l-esklużjoni tiegħu kienet issegwi l-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja soda. Barra minn hekk, ma ntilfu l-ebda fondi bbaġitjati għall-ispejjeż operattivi filwaqt li l-fondi mhux użati mill-Kummissjoni Ewropea ġew ittrasferiti għall-attivitajiet ta’ riċerka. Huwa wkoll importanti li wieħed iżomm f’moħħu li 50 % tal-baġit għall-ispejjeż operattivi huwa ffinanzjat permezz tal-EFPIA.

Paragrafu 21

Fl-2012 ġew implimentati miżuri effettivi biex iżidu u jagħtu spinta lill-impenn tal-finanzjament tal-UE u l-kontribuzzjonijiet in natura allinjati mill-membri tal-EFPIA permezz tat-tnedija ta’ diversi Sejħiet għal proposti. Sal-lum fl-2012, tnedew tliet Sejħiet għal Proposti filwaqt li hija prevista oħra sa tmiem l-2012, u b’hekk ikun hemm progress sinifikanti fit-twettiq tal-programm tal-IMI.

Paragrafu 22

L-ammont totali tal-kapitolu 30-C2 "Aġenda dwar ir-Riċerka" (EUR 117-il miljun) huwa l-ammont korrett bid-differenza tkun dovuta minħabba problema teknika fis-sistema ABAC li issa qiegħda tiġi indirizzata. Fir-rigward tat-trasferiment awtorizzat, dan huwa ċċarat b’mod xieraq fil-preambolu tad-Deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija fejn huwa ddikjarat li l-IMI JU kellha rabtiet operattivi u approprjazzjonijiet ta’ ħlas li ma ntużawx sal-aħħar tas-sena finanzjarja 2010 u li tqis neċessarju li tintuża l-approprjazzjoni kkanċellata matul l-2011. Madankollu, l-IMI JU se tiċċara t-test tad-deċiżjoni għat-trasferimenti futuri.

Paragrafu 23

Ix-xogħol relatat mal-valutazzjoni formali tas-sistema ta’ kontroll intern twettaq mill-Koordinatur ta’ Kontroll Intern fl-aħħar kwart tal-2011 u ġie ffinalizzat permezz tal-approvazzjoni tar-rapport lid-Direttur Eżekuttiv fit-13 ta’ Frar 2012. Dan huwa f’konformità ma’ dak li huwa previst fl-Istandard ta’ Kontroll Intern 15 u bħala preparazzjoni tar-Rapport dwar l-Attività Annwali tal-2011. Matul l-2011, l-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll intern kienet ukoll eżaminata perjodikament, b’mod formali, permezz tal-preparazzjoni u l-approvazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni 2011 fi Frar 2011 u permezz tal-aġġornament tiegħu f’Mejju u f’Ottubru 2011.

Paragrafu 24

Qiegħed jitfassal Pjan ta’ Azzjoni biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tas-27 ta’ Settembru 2012.

Paragrafu 25

Il-membri tal-EFPIA li jieħdu sehem fil-proġetti tal-IMI JU ssottomettew l-ewwel dikjarazzjonijiet tagħhom dwar il-kontribuzzjonijiet in natura fi Frar 2012 wara l-approvazzjoni tal-metodoloġija mill-Bord ta’ Tmexxija sal-11 ta’ Novembru 2011. Minbarra l-verifiki ex-ante ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u l-metodoloġiji ċċertifikati rispettivi, l-ewwel verifika ex-post ta’ kontribuzzjonijiet in natura sejra ssir fl-2012.

Paragrafi 26 sa 28

Il-Pjan tal-Awditu Strateġiku Kkoordinat tal-IAS-IAC għall-2012-2014 kien approvat mill-Bord ta’ Tmexxija fit-3 ta’ Novembru 211. Dan kien ibbażat fuq valutazzjoni komprensiva tar-riskju mwettqa b’mod konġunt bejn l-IAS u l-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-IMI JU u ġie ffinalizzat f’Settembru 2011. Matul l-2011, il-Kapaċità tal-Awditjar Intern fl-IMI JU wettqet ukoll għadd ta’ impenji ta’ konsulenza ta’ awditjar intern fir-rigward tal-iżvilupp u t-tisħiħ tal-governanza, il-kontroll intern u s-sistemi u l-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskju tal-IMI JU.

L-ewwel awditjar intern mis-Servizz ta’ Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea sar matul it-tieni kwart tal-2012 bir-rapport finali jinħareġ u jiġi ppreżentat lid-Direttur Eżekuttiv u lill-Bord ta’ Tmexxija f’Lulju. Dan l-eżerċizzju ta’ awditjar intern komprensiv iffoka fuq in-negozjati, it-tħejjijiet għall-ftehim dwar l-għotjiet u l-prefinanzjament tas-sub-proċess tal-IMI JU.

Ir-rwol tal-awditjar intern fir-regoli finanzjarji dwar l-IMI JU se jiġi wkoll emendat kif xieraq biex jirrifletti r-rekwiżiti tar-regolament finanzjarju li jintuża bħala mudell għas-Sħubijiet Pubbliċi Privati li huma mistennija li jiġu introdotti mill-Kummissjoni Ewropea fl-2013.

Paragrafu 29

Id-dispożizzjonijiet stipulati fil-mudell rivedut tal-Ftehim ta’ Għotja approvat mill-Bord ta’ Tmexxija tal-11 ta’ Novembru 2011 fir-rigward tal-verifika tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-kumpaniji tal-EFPIA huma konformi mal-parametri stipulati fl-Artikoli 12(4) u 12(5) tar-Regolament tal-Kunsill 73/2008 li jistabbilixxi l-IMI JU.

Madankollu, peress li din fundamentalment hija kwistjoni ta’ prinċipju, qiegħed jintalab il-parir tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-awditjar tal-kontribuzzjonijiet in natura tal-kumpaniji EFPIA li ma jirċevux il-finanzjament tal-IMI JU.

Paragrafu 31

Fl-2011 sar progress konsiderevoli bi tħejjija għall-pjanijiet ta’ kontinwità tan-negozju u ta’ rkupru minn diżastru tal-IMI JU. Sadanittant it-tnejn li huma ġew iffinalizzati u ġew implimentati sal-ewwel kwart tal-2012.

Paragrafu 32

F’Novembru 2011 tnedew il-verifiki ex-post, u minn Frar 2012 ma kien hemm l-ebda indikazzjoni mill-verifiki li kienu għaddejjin li kienet tiġġustifika riżerva b’mod raġonevoli.


10.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 6/36


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2013/C 6/05

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER (1) u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni twaqqfet f’Marzu 2007 (2) għal perjodu ta’ 35 sena. Filwaqt li l-faċilitajiet tal-fużjoni prinċipali għandhom jiġu żviluppati f’Cadarache fi Franza, l-Impriża Konġunta tinsab f’Barċellona.

2.

Il-kompiti tal-Impriża Konġunta huma (3):

(a)

li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER (4);

(b)

li tipprovdi l-kontribuzzjoni Euratom għall-‘Attivitajiet ta’ Approċċ Usa’’ (riċerka konġunta komplementari dwar il-fużjoni) mal-Ġappun għall-iżvilupp mgħaġġel tal-enerġija mill-fużjoni; u

(c)

li tħejji u tikkoordina programm ta’ attivitajiet bi tħejjija għall-kostruzzjoni ta’ reattur ta’ dimostrazzjoni tal-fużjoni u ta’ faċilitajiet relatati inkluża l-Faċilità Internazzjonali ta’ Irradjazzjoni ta’ Materjali ta’ Fużjoni.

3.

Il-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Euratom, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri tal-Euratom u pajjiżi oħra li kkonkludew ftehimiet ta’ koperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kkontrollata u li esprimew ix-xewqa tagħhom li jsiru Membri (fil-31 ta’ Diċembru 2011: l-Isvizzera).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

4.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

5.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (5) tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (6) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (7) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

6.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (8).

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

7.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (9). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (10) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (11) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

8.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

9.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (12). Dawk l-istandards jeżiġu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti etiċi u professjonali u li tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet ikunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

10.

L-awditu (verifika) tal-Qorti jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula, inkluża l-valutazzjoni tagħha tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball, jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditjar (verifika) tagħha. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet mill-entità sabiex jitfasslu l-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. L-awditu (verifika) tal-Qorti jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula mill-maniġment, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

11.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

12.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

14.

Il-kummenti segwenti fil-paragrafi 15 sa 32 ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

15.

Ir-rati ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament disponibbli kienu 99,7 % u 85,7 % rispettivament. Mill-EUR 611-il miljun ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli għall-attivitajiet operazzjonali, 42 % ġew implimentati permezz ta’ impenji diretti indiviwali filwaqt li t-58 % li kien għad fadal ġew implimentati permezz ta’ impenji globali.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

16.

Il-Qorti tal-Awdituri kienet diġà rrappurtat li s-sistemi ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta ma kinux ġew stabbiliti u implimentati għalkollox kif meħtieġ mir-Regolament Finanzjarju tagħha (13). Fil-31 ta’ Mejju 2010 l-Awditur Intern tal-Impriża Konġunta ħareġ rapport li qajjem tħassib dwar iċ-ċirkuwiti finanzjarji u s-separazzjoni tad-dmirijiet.

17.

Bi tweġiba għal dan, il-Bord tat-Tmexxija adotta pjan ta’ titjib tal-ġestjoni f'Ġunju 2010 flimkien ma’ proposta biex tinbidel l-istruttura organizzattiva u biex jiġu rinforzati ċ-ċirkuwiti finanzjarji. Għalkemm sar progress sinifikanti (14), hemm bżonn li jiġu implimentati għadd ta’ azzjonijiet:

s’issa għadha ma ġietx stabbilita għodda integrata biex tiġi ġestita l-informazzjoni dwar il-baġit, finanzjarja u dik operazzjonali;

sistema ta’ ġestjoni biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-proġetti u tal-baġit hija mistennija li tkun operazzjonali mhux aktar tard mill-aħħar tliet xhur tal-2012;

il-validazzjoni tas-sistemi ta’ bażi mill-uffiċjal tal-kontabilità għadha ma tlestietx kompletament u għandha titkompla fl-2012 (15);

għadha ma ġietx adottata strateġija komprensiva ta’ verifika ex post għall-għotjiet u l-kuntratti operazzjonali (ara l-paragrafi 22 u 23);

il-pjanijiet ta’ azzjoni adottati mill-Impriża Konġunta bi tweġiba għall-verifiki interni dwar iċ-ċirkuwiti finanzjarji, il-ġestjoni tal-għotjiet u l-kuntratti ta’ esperti għadhom ma ġewx implimentati kompletament (16);

għadu ma sarx eżerċizzju tal-ġestjoni tar-riskju fil-livell korporattiv.

Akkwist u għotjiet

18.

Kif innutat fir-rapport 2010 tagħha (17), l-Impriża Konġunta għandha bżonn ittejjeb l-isforzi tagħha biex iżżid il-kompetizzjoni. L-għadd ta’ offerti rċevuti għall-proċeduri tal-akkwist operazzjonali ffirmati fl-2011 xorta kien għadu baxx (18) u ammonta għal medja ta’ tnejn; għall-għotjiet l-għadd medju ta’ proposti rċevuti kien biss ta’ wieħed għal kull sejħa.

19.

F’każ minnhom id-deċiżjoni li proċedura miftuħa tiġi kkanċellata u li tintuża proċedura nnegozjata ma kinitx debitament iġġustifikata. F’każ ieħor, l-Impriża Konġunta ddeċidiet li tinnegozja ma’ żewġ kumpaniji li ppreżentaw offerti skont il-proċedura miftuħa (għalkemm waħda minnhom ma kinitx teknikament konformi). F’każ ieħor, kemm l-għażla tal-proċedura nnegozjata u kif ukoll il-kwantitajiet u l-prezz ikkuntrattati ma kinux debitament iġġustifikati.

20.

Il-verifika tal-Qorti kkonfermat is-sejbiet ta’ verifika interna mwettqa fl-2011 fil-qasam tal-akkwist, notevolment li:

in-notifika ta’ qabel l-informazzjoni mhijiex użata bħala strument biex tiżdied il-pubbliċità ex ante ta’ sejħiet għall-offerti futuri (19);

m’hemmx sistema li tittraċċa u ġġesti l-bidliet fir-rekwiżiti tal-kuntratt u b’hekk jiġu identifikati u rrimedjati devjazzjonijiet fl-ispejjeż;

it-tul ta’ żmien tal-proċess ta’ akkwist ta’ spiss huwa eċċessiv u hemm ineffiċjenzi fil-preparazzjoni tad-dokumenti tas-sejħiet għall-offerti;

l-istimi tal-ispejjeż mhumiex iddokumentati tajjeb.

21.

Il-verifika żvelat ukoll li l-proċeduri tal-kontroll ex ante applikati għal pagamenti magħmula skont kuntratti u ftehimiet ta’ għotjiet mhumiex iddokumentati b’mod suffiċjenti (20).

Il-verifiki tal-assigurazzjoni tal-kwalità u l-kontrolli ex post fuq l-akkwist u l-għotjiet

22.

L-Impriża Konġunta għandha sistema biex twettaq verifiki (21) fil-livell ta’ kuntratturi bl-iskop li tiċċekkja l-konformità mar-rekwiżiti tal-assigurazzjoni tal-kwalità (22). Madankollu, l-ambitu ta’ dawn il-verifiki ma jkoprix l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-kuntratti.

23.

Matul l-2011 l-Impriża Konġunta bdiet tagħmel kontrolli ex post biex teżamina l-legalità u r-regolarità tal-implimentazzjoni tal-għotjiet mogħtija. Minkejja l-progress li sar (23), l-Impriża Konġunta m’għandhiex strateġija globali ta’ kontroll ex post. Strateġija ta’ dan it-tip għandha tkopri l-implimentazzjoni ta’ kuntratti ta’ għotjiet u kuntratti ta’ akkwist.

KWISTJONIJIET OHRA

Drittijiet tal-proprjetà intellettwali u Politika Industrijali

24.

Fit-28 ta’ Marzu 2012 il-Bord tat-Tmexxija adotta l-politika tal-Impriża Konġunta dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u t-tixrid ta’ informazzjoni. Madankollu, regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tagħha kienu għadhom ma tħejjewx waqt iż-żmien tal-verifika (April 2012) hekk kif meħtieġ skont l-Istatuti (24).

25.

Il-Bord tat-Tmexxija s’issa għadu ma adottax il-politika industrijali li hija meħtieġa skont l-Istatuti (25).

Pagament tard tal-kontribuzzjonijiet ta’ sħubija

26.

Il-pagamenti tal-kontribuzzjonijiet 2011 minn 12-il membru kienu soġġetti għal dewmien.

Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni

27.

Il-karta tal-missjoni tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Bord tat-Tmexxija fil-25 ta’ Novembru 2011 flimkien ma’ pjan koordinat tal-verifika strateġika għall-2012-2014. Ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta ġie emendat kif xieraq biex jintroduċi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Strutturali (26) li jirreferu għas-setgħat tal-awditur intern tal-Kummissjoni.

Regolament Finanzjarju u Regoli ta’ Implimentazzjoni

28.

Fid-9 ta’ Ottubru 2008 l-Qorti ħarġet l-Opinjoni Nru 4/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Enerġija mill-Fużjoni. Din l-opinjoni kien fiha 50 rakkomandazzjoni. Fil-laqgħa tiegħu tal-1 ta’ Ġunju 2011 il-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta ddeċieda li b’mod wiesa’ jaċċetta l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri (37 rakkomandazzjoni ġew aċċettati kompletament, 11 aċċettati bil-kummenti u 2 biss ġew irrifjutati), u emenda r-Regolament Finanzjarju tagħha kif xieraq (27).

29.

Madankollu, l-Qorti tqis li xi dispożizzjonijiet fir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta (28) jiddevjaw mir-regoli ta’ implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali tal-UE mingħajr ġustifikazzjoni suffiċjenti.

Kontribuzzjoni tal-UE għall-fażi ta’ kostruzzjoni ta’ ITER

30.

F’Lulju 2010 (29), il-Kunsill ftiehem dwar l-istima reveduta tal-baġit tal-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta għall-fażi ta’ kostruzzjoni li ammontat għal EUR 6,6 biljun (valur 2008) u b’hekk irdoppja l-istima inizjali. Kif kien irrappurtat mill-awditur intern (30), l-Impriża Konġunta għad m’għandhiex għodda biex timmonitorja l-validità tal-istimi u tirrapporta dwar devjazzjonijiet potenzjali.

Segwitu ta’ osservazzjonijiet preċedenti

Status tal-finanzjament tal-proġett ITER għall-2012-13

31.

Fl-1 ta’ Diċembru 2011 intlaħaq ftehim mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-EUR 1 300 miljun fi spejjeż addizzjonali għall-proġett ITER għall-2012-2013 (31).

Ftehim mal-Istat Ospitanti

32.

Skont il-Ftehim mal-Istat Ospitanti ffirmat mar-Renju ta’ Spanja fit-28 ta’ Ġunju 2007, il-bini permanenti kellu jkun disponibbli għall-Impriża Konġunta sa Ġunju 2010. Madankollu, fiż-żmien tal-verifika (April 2012) dan kien għadu ma ġarax.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-15 ta’ Novembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ITER: Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferixxi vantaġġi fuqha (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

(3)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(4)  L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER twaqqfet f’Ottubru 2007 għal perjodu inizjali ta’ 35 sena biex timplimenta l-proġett ITER, li jimmira li juri l-fattibbiltà xjentifika u teknoloġika tal-enerġija mill-fużjoni. Il-Membri huma l-Euratom, il-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti tal-Amerika.

(5)  Il-Qorti rċeviet il-kontijiet annwali proviżorji fl-1 ta’ Marzu 2012. Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazjoni tal-approprjazzjonijiet.

(6)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u l-anness għar-rapporti finanzjarji, li jinkludi deskrizzjoni tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(7)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(8)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(9)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(10)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(11)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-korpi tal-UE huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni.

(12)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(13)  Il-paragrafu 21 tar-rapport 2009 għamel referenza għall-organizzazzjoni mill-ġdid tal-istruttura dipartimentali tal-Impriża Konġunta li, f’fehmet il-Qorti, qajmet kwistjonijiet dwar is-separazzjoni tad-dmirijiet bejn l-attivitajiet finanzjarji u dawk operazzjonali.

(14)  Matul l-2011 ġew konklużi l-għażla u l-ħatra tal-Kap tad-Dipartiment tal-ITER, il-Kap tal-Amministrazzjoni u l-Kap tal-Unità tal-Baġit u tal-Finanzi. Il-ħatra tal-Kapijiet tat-timijiet tal-proġetti u l-implimentazzjoni tal-għodda tal-Kuntratti tal-ABAC kienu kważi kompluti sa April 2012, u ċ-ċirkuwiti finanzjarji flimkien mal-manwal amministrattiv u finanzjarju, kienu ġew kompluti.

(15)  Il-validazzjoni tas-sistemi ta’ bażi mill-Uffiċjal tal-Kontabilità għandha tinkludi informazzjoni dwar l-ittestjar dirett li twettaq fuq kampjun ta’ tranżazzjonijiet tal-kontrolli ewlenin tal-Impriża Konġunta.

(16)  Il-pjanijiet ta’ azzjoni bi tweġiba għall-verifiki interni dwar iċ-ċirkuwiti finanzjarji, il-ġestjoni tal-għotjiet u l-kuntratti ta’ esperti ġew adottati mill-Impriża Konġunta fit-30 ta’ Ġunju 2010, l-14 ta’ Frar 2011 u d-19 ta’ Novembru 2011 rispettivament.

(17)  Il-paragrafu 20 tar-rapport 2010 tal-Qorti tal-Awdituri għamel referenza għal-livell baxx ta’ kompetizzjoni għall-akkwist u l-għotjiet.

(18)  L-Impriża Konġunta użat ukoll perċentwal għoli ta’ proċeduri nnegozjati (madwar żewġ terzi tal-kuntratti operazzjonali ffirmati fl-2011, esklużi l-kuntratti qafas).

(19)  L-Artikolu 107 tar-regoli ta’ implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta jiddikjara li n-notifika ta’ qabel l-informazzjoni hija l-mezz li bih l-Impriża Konġunta tista’ tgħarraf, permezz ta’ indikazzjoni, dwar il-valur totali stmat ta’ kuntratti u kuntratti qafas, skont il-kategorija ta’ servizz jew gruppi ta’ prodotti, u l-karatteristiċi essenzjali ta’ kuntratti ta’ xogħlijiet li huma għandhom l-intenzjoni li jagħtu permezz tal-użu tal-proċedura ristretta jew id-djalogu kompetittiv matul sena baġitarja.

(20)  Pereżempju, l-analiżi mill-uffiċjal li jivverifika l-finanzi, tar-rapporti tal-aċċettazzjoni teknika, mhijiex iddokumentata.

(21)  Mit-18-il verifika tal-kwalità mwettqa matul l-2011, 15-il verifika ngħalqu sa Mejju 2012. Il-verifiki kkwalifikaw prestazzjoni ta’ proġett wieħed biss bħala mhux sodisfaċenti u identifikaw seba’ sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-proċeduri u 139 qasam li għandhom bżonn titjib.

(22)  L-ambitu tal-verifiki jkopri l-pjan tal-kwalità, in-nuqqasijiet ta’ konformità, il-kontroll tax-xiri u l-ġestjoni tas-sottokuntrattar, il-ġestjoni tad-dokumentazzjoni u tad-data, il-ġestjoni tal-bidliet u tad-devjazzjonijiet, il-pjan ta’ kontroll tal-kwalità għax-xogħlijiet ċivili, l-iskeda dettaljata għall-proġetti, il-ġestjoni tar-riskju tal-kuntratti u l-pjan ta’ kontroll tal-kwalità għal xogħlijiet tekniċi.

(23)  F’Novembru 2011 ġie maħtur membru ġdid għaċ-ċellola ta’ kontroll intern bil-kompitu speċifiku li jistabbilixxi proċedura għat-twettiq ta’ kontrolli ex post fuq l-akkwist u l-għotjiet. F4E se tissieħeb ukoll f’kuntratt qafas tal-Kummissjoni għal verifiki ex post.

(24)  L-Artikolu 8(4) tal-Istatuti annessi mad-Deċiżjoni 2007/198/Euratom jiddikjara li d-Direttur għandu jabbozza r-regoli dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-politika industrijali, u dwar it-tixrid ta’ informazzjoni.

(25)  L-Artikolu 6(3) tal-Istatuti annessi mad-Deċiżjoni 2007/198/Euratom jiddikjara li l-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta regoli dwar il-politika industrijali, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u dwar it-tixrid ta’ informazzjoni bi ftehim mal-Kummissjoni.

(26)  Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(27)  It-tieni emenda għar-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta tal-Enerġija mill-Fużjoni tal-25 ta’ Novembru 2011.

(28)  Limiti li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 80 u 100, djalogu kompetittiv skont l-Artikolu 96 u kompożizzjoni tal-kumitati ta’ ftuħ skont l-Artikoli 119 u 120.

(29)  Konklużjoni tal-Kunsill dwar l-istatus ta’ ITER tas-7 ta’ Lulju 2010 (Ref.11902/10).

(30)  Rapport tal-awditur intern dwar pre-akkwist iddatat it-13 ta’ Jannar 2012.

(31)  ĠU L 4, 7.1.2012, p. 12.


ANNESS

L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Barċellona)

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Komunità stipulati fit-Trattat

(Siltiet mill-Artikoli 45 u 49 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika)

Il-Kapitolu 5 dwar ‘Intrapriżi Konġunti’, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u partikolarment:

L-Artikolu 45:

“Impriżi ta’ importanza eċċezzjonali għall-iżvilupp tal-industrija nukleari fil-Komunità jistgħu jkunu stabbiliti bħala Intrapriżi Konġunti (Impriżi Konġunti) fit-tifsira ta’ dan it-Trattat u skont id-disposizzjonijiet tal-Artikoli li ġejjin”

L-Artikolu 49:

L-Impriżi Konġunti għandhom jiġu stabbiliti b’Deċiżjoni tal-Kunsill. Kull Impriża Konġunta jkollha personalità ġuridika.

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom)

L-objettivi

Tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) lill-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER;

Tipprovdi l-kontribuzzjoni Euratom għal Attivitajiet ta’ Approċċ Usa’ mal-Ġappun għar-realizzazzjoni mgħaġġla tal-enerġija mill-fużjoni;

Tipprepara u tikkoordina programm ta’ attivitajiet bi preparazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ reattur ta’ dimostrazzjoni tal-fużjoni u l-faċilitajiet relatati inkluża l-Faċilità Internazzjonali ta’ Irradjazzjoni ta’ Materjali tal-Fużjoni (IFMIF).

Il-kompiti

Tissorvelja t-tħejjija tas-sit tal-proġett ITER;

tagħti komponenti, tagħmir, materjali u riżorsi oħrajn lill-Organizzazzjoni ITER;

iġġesti arranġamenti għall-akkwist fir-rigward tal-Organizzazzjoni ITER u, b’mod partikolari, proċeduri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità assoċjati;

tħejji u tikkoordina l-parteċipazzjoni tal-Euratom fl-isfruttament xjentifiku u tekniku tal-proġett ITER;

tikkoordina riċerka xjentifika u teknoloġika u attivitajiet ta’ żvilupp biex tappoġġa l-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-Organizzazzjoni ITER;

tagħti l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Euratom lill-Organizzazzjoni ITER;

tagħmel arranġamenti sabiex ir-riżorsi umani jkunu disponibbli għall-Organizzazzjoni ITER;

tinterfaċċja mal-Organizzazzjoni ITER u twettaq kwalunkwe attività biex tkompli tavvanza bil-Ftehim tal-ITER.

It-tmexxija

Il-Bord tat-Tmexxija

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun responsabbli mis-sorveljanza tal-Impriża Konġunta fl-insegwiment tal-objettivi tagħha u jiżgura kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-Impriża Konġunta u l-Membri tagħha fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha.

Il-“Bureau”

Il-“Bureau” huwa korp sussidjarju tal-Bord tat-Tmexxija tal-Enerġija mill-Fużjoni u jipprovdi sostenn għall-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Bord tat-Tmexxija, il-kumitati tal-F4E u l-ġestjoni tal-F4E.

Il-Kumitat Amministrattiv u tal-Finanzi

Il-Kumitat Amministrattiv u tal-Finanzi (KAF) jassisti lill-Bord tat-Tmexxija fi kwistjonijiet amministrattivi u finanzjarji relatati mal-ITER, l-Approċċ Usa’ u tħejjijiet għal reatturi dimostrattivi tal-fużjoni (DEMO).

Il-Kumitat tal-Verifika

Il-Kumitat tal-Verifika (KV) huwa kumitat konsultattiv għall-Bord tat-Tmexxija li għandu idea ġenerali tar-Rappurtar Finanzjarju u Kontabilistiku, il-Governanza, il-Kontroll Intern u l-Ġestjoni tar-Riskju u kif ukoll il-Verifika Esterna u l-Verifika Interna.

Il-Kumitat Eżekuttiv

Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jassisti lill-Bord tat-Tmexxija fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet tiegħu u għandu jwettaq kwalunkwe kompitu ieħor li l-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddelegalu.

Il-Bord Konsultattiv Tekniku

Il-Bord Konsultattiv Tekniku għandu jagħti pariri lill-Bord tat-Tmexxija u lid-Direttur, kif meħtieġ, dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan tal-proġett u l-programmi ta’ ħidma.

Id-Direttur

Id-Direttur għandu jkun l-uffiċjal eżekuttiv prinċipali responsabbli mill-ġestjoni ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta u għandu jkun ir-rappreżentant legali tagħha.

Il-Verifika Esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

Il-Verifika Interna

Stabbilit fil-1 ta’ Lulju 2009.

L-Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2011

Il-Baġit

EUR 263,57 miljun li minnhom 93 % kienu ffinanzjati mill-kontribuzzjoni tal-Komunità.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

239 kariga permanenti previsti fit-tabella tal-persunal, li minnhom 211-il kariga kienu okkupati;

Persunal ieħor:

Esperti Nazzjonali Ssekondati: 5

Persunal b’kuntratt: 99

Persunal lokali: m/a

Total tal-persunal impjegat: 315

Allokati lil (bejn wieħed u ieħor):

Attivitajiet operazzjonali: 160

Kompiti amministrattivi: 115

Kompiti mħallta: 40

L-attivitajiet u s-servizzi pprovduti fl-2011

Kuntratti operazzjonali: 38 mogħtija għal valur totali ta’ EUR 163,556 miljun

Kuntratti Amministrattivi: 17 mogħtija (inklużi 7 Akkwisti Konġunti) għal valur totali ta’ EUR 5,162 miljun

Għotjiet: 22 mogħtija għal valur totali ta’ EUR 13,061 miljun

L-Implimentazzjoni tal-Baġit:

99,7 % f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (99,7 % operazzjonali u 98,7 % amministrattivi)

85,7 % f’approprjazzjonijiet ta’ pagament (86,6 % operazzjonali u 79,6 % amministrattivi)

Arranġamenti għall-Akkwist:

2 għall-proġett ITER 31,79 kIUA (ekwivalenti għal EUR 50,135 miljun) minn total ta’ 1 135,9 kIUA prevvisti għall-kontributi in natura Ewropej.

10 għall-Approċċ Usa’ 62,67 kBAUA (ekwivalenti għal EUR 42,490 miljun) minn total ta’ 236,4 kBAUA prevvisti għall-kontribuzzjonijiet Ewropej kollha.

Kreditu ITER Mogħti: 35,551 kIUA (ekwivalenti għal EUR 56,066 miljun)

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.


IT-TWEĠIBIET TA’ F4E GĦAR-RAPPORT FINALI TAL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI BIL-ĦSIEB TA’ RAPPORT DWAR IL-KONTIJIET ANNWALI TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA EWROPEA GĦALL-ITER U L-IŻVILUPP TAL-ENERĠIJA MILL-FUŻJONI GĦAS-SENA FINANZJARJA 2011

16

F4E topera f’żewġ ambjenti distinti ta’ kontroll; (a) l-Istandards Interni ta’ Kontroll tal-UE, u (b) ir-Rekwiżiti ta’ Kwalità tul l-ITER, li huma mfasslin biex jiżguraw is-suċċess tal-proġett ITER u l-konformità mar-rekwiżiti tal-Awtorità Franċiża għas-Sigurtà Nukleari. F4E għandha l-għan li tissodisfa dawn l-istandards u rekwiżiti permezz ta’ Sistema ta’ Ġestjoni unika tul F4E magħmula minn politiki, proċessi, proċeduri, eċċ. Fit-tieni nofs tal- 2010, id-Direttur ta’ F4E implimenta Pjan għat-Titjib tal-Ġestjoni iffukat fuq il-ġestjoni tal-proġett u proċessi ewlenin oħrajn.

Diġà ttieħdu azzjonijiet maġġuri għat-titjib tas-sistema tal-ġestjoni tal-proġett bl-għajnuna ta’ persuni esterni li ġejjin minn sfond industrijali/tal-proġett. Dan it-titjib ser jippermetti previżjoni baġitarja aħjar, sejbien imtejjeb ta’ devjazzjonijiet u eċċezzjonijiet, u identifikazzjoni ta’ azzjonijiet preventivi kif ukoll korrettivi sabiex tiġi ottimizzata l-implimentazzjoni tal-baġit u biex tinżamm l-ispiża tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-kostruzzjoni tal-ITER. L-implimentazzjoni sħiħa hija mmirata għal tmiem l-2012.

Barra minn hekk, l-Amministrazzjoni tal-F4E qed twieġeb għar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Intern tal-F4E u għar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri. L-attivitajiet finanzjarji ġew ragruppati u rinforzati f’unità ġdida, Baġit u Finanzi, inklużi l-funzjonijiet tal-kontroll ambjentali (ex-post, verifika finanzjarja u monitoraġġ, eċċ.) filwaqt li ġew segregati l-attivitajiet operattivi u finanzjarji. Fl-2011 imtlew il-karigi kollha fil-maniġment intermedju u dak għoli u l-Unità tal-Baġit u Finanzi ssaħħet permezz ta’ persunal ieħor b’esperjenza b’mod partikolari aġenti ta’ verifika kwalifikati ħafna b’esperjenza u għarfien tal-UE.

Rigward tal-verifika taċ-ċirkwit finanzjarju, għandu jiġi nnotat li fl-ewwel trimestru tal-2012, l-unità tal-baġit u finanzi wettqet awtovalutazzjoni fir-rigward tal-livell ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-verifika taċ-Ċirkwit Finanzjarju. Il-valutazzjoni kkonkludiet livell ta’ implimentazzjoni ta’ kważi 86 %.

17

L-istruttura organizzattiva l-ġdida tal-F4E issa tinsab implimentata. Hija aktar orjentata lejn l-proġett, tagħmel aktar enfasi fuq is-servizz finanzjarju, u ssaħħaħ il-ġestjoni ġenerali tal-F4E wara l-introduzzjoni tal-livell ta’ maniġment intermedju b’delegazzjonijiet adatti u r-reklutaġġ ta’ maniġers ġodda (Kap tad-Dipartiment tal-Amministrazzjoni, Kap tad-Dipartiment tal-ITER u Kap tal-Unità tal-Baġit u Finanzi). Barra minn hekk:

Qed isiru diversi rapporti importanti fuq bażi ta’ rutina, eż. dwar il-progress tal-akkwisti kbar u dwar l-implimentazzjoni tal-baġit.

Saret l-ewwel validazzjoni tas-sistemi sottostanti mill-uffiċjal tal-kontabbiltà għas-sena finanzjarja 2011. Bil-ħsieb tal-bidla fl-istruttura organizzattiva u t-tisħiħ tal-ambjent ta’ kontroll (li għaddej fl-2012), huwa previst li jitkompla l-eżerċizzju ta’ validazzjoni tas-sistemi ta’ kontabbiltà għas-sena 2012, inkluż ittestjar sħiħ tal-verifika.

Bħala parti mill-istrateġija ta’ verifika Ex-Post li l-F4E qed tistabbilixxi attwalment, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Verifiki tal-Kwalità ser jiġi estiż biex jitwettqu verifiki dwar l-aspetti kuntrattwali u finanzjarji tal-kuntratti. F’dan ir-rigward, ser jitwettaq eżerċizzju pilota qabel tmiem l-2012.

Il-ġestjoni tar-riskji tal-Proġett teżisti fil-Pjan tal-Proġett għall-ITER u l-attivitajiet ta’ Approċċ Usa’ u qed jiġu ġestiti regolarment mal-Imsieħba Rigward ir-Riskju Korporattiv fil-livell organizzattiv, dan l-eżerċizzju tneda fil-bidu tal-2012 u l-ewwel riżultat kien diskuss fil-GB f’Ġunju, l-F4E iffinalizzatu u qed tħejji r-rapport tal-GB dwar riskji Korporattivi u azzjoni mitigata li ser jiġu diskuss regolarment fil-Laqgħat tal-GB.

18

F4E tinnota li l-metodoloġija użata mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri għall-kalkolu tal-għadd medju ta’ offerti riċevuti, teskludi kuntratti qafas u b’hekk jitnaqqas l-għadd medju ta’ offerti minn 6.8 għal offerti 2.4.

F4E tfakkar li l-għadd medju ta’ proposti li tirċievi għal kull sejħa huwa relatat mas-suq kumpless estrem li hija attiva fih u tirreferi għat-tweġiba tagħha għall-paragrafu 29 għal aktar spjegazzjonijiet.

20

Jenħtieġ li jiġi enfasizzat li l-verifika fil-qasam tal-akkwist ġiet konkluża b’opinjoni sodisfaċenti u li r-rakkomandazzjonijiet irriżultaw fi pjan ta’ azzjoni magħmul minn 40 azzjoni li qed jiġu implimentati attwalment.

21

Bħala parti mill-ħidma dwar is-Sistema ta’ Ġestjoni Integrata fl-2012, qed jiġi implimentat titjib għas-sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll li jinkludi strumenti ta’ kontroll ex-ante aktar b’saħħithom.

22

Bħala parti mill-istrateġija ta’ verifika Ex-Post li l-F4E qed tistabbilixxi attwalment, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Verifiki tal-Kwalità ser jiġi estiż biex jitwettqu verifiki dwar l-aspetti kuntrattwali u finanzjarji tal-kuntratti. F’dan ir-rigward, ser jitwettaq eżerċizzju pilota qabel tmiem l-2012.

23

Bħala konsegwenza tal-esperjenza miksuba matul iż-żjarat ta’ monitoraġġ finanzjarju li twettqu fl-2011, l-F4E issa tinsab f’pożizzjoni li tiddefinixxi l-istrateġija biex tkopri l-kontroll finanzjarju kemm għall-akkwisti kif ukoll għall-għotjiet. Meta jitqiesu d-dimensjonijet finanzjarji mnaqqsa ta’ għotjiet kontra akkwisti standard u operattivi, din l-istrateġija ser tiffoka l-isforz prinċipali tal-kontroll finanzjarju fuq il-kontroll ex-post tal-akkwisti.

Dawn iż-żewġ tipi ta’ kontrolli ex-post (ta’ kwalità u finanzjarju) ser jiġu inklużi f’qafas ta’ ġestjoni integrata wiesgħa li jgħaqdu flimkien l-ambjent ta’ kontroll industrijali bħar-rekwiżiti tal-ISO mal-Istandards ta’ Kontroll Intern aktar amministrattivi mill-ambjent tal-UE. F’dan il-qafas ta’ ġestjoni integrata wiesgħa tal-F4E, il-verifiki tal-kwalità ser jiġu integrati fl-istrateġija ta’ verifika ġenerali sabiex jiġi assigurat livell ta’ kontroll addizzjonali fir-rigward tal-akkwisti.

24

Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-politika huma riflessi fil-“Klawżoli tal-Proprjetà Intellettwali” tal-ftehim mudell. Tali klawżoli kienu ppreżentati mill-F4E lill-Kumitat Eżekuttiv fl-14 ta’ Mejju 2012. Il-Kumitat Eżekuttiv ikkunsidra l-klawżoli tal-Proprjetà Intellettwali proposti mill-F4E għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-Proprjetà Intellettwali tal-F4E u rrakkomanda l-adozzjoni tagħhom lill-Bord tat-Tmexxija soġġetti għall-kummenti tal-Kumitat li għandhom jiġu kkunsidrati. Il-verżjoni finali ta’ tali regoli ġiet adottata mill-Bord tat-Tmexxija matul il-laqgħa tiegħu tal-28/id-29 ta’ Ġunju 2012.

25

Grupp ta’ Ħidma tal-Bord tat-Tmexxija tal-F4E ħejja abbozz ta’ Politika Industrijali li ġie kkunsidrat mill-Bord tat-Tmexxija matul il-laqgħa tiegħu f’Ġunju 2012. Il-Politika issa qed tiġi finalizzata filwaqt li jiġi kkunsidrat li skont l-Artikolu 6(3)(p) tal-Istatuti tal-F4E hija meħtieġa l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi adottata mill-Bord tat-Tmexxija qabel tmiem l-2012.

26

Fl-2011 l-F4E stabbilixxiet qafas ġdid għall-ġbir tal-kontribuzzjoni tas-Sħubija, fejn ġiet ikkunsidrata hekk ir-rikorrenza tas-sejba tal-qorti:

fil-25 ta’ Novembru 2011, il-Bord tat-Tmexxija tal-F4E approva l-proposta tal-F4E għall-applikazzjoni mutatis mutandis tal-Artikolu 56(3) tar-Regolament Finanzjarju tal-F4E sabiex ikunu jistgħu jiġu imposti interessi fuq dawk il-Membri li ma jħallsux il-kontribuzzjonijiet tagħhom fiż-żmien stipulat tan-nota ta’ debitu. Kif innotat mill-Qorti fir-referenzi għar-Regolament Finanzjarju tal-F4E, id-dispożizzjoni kienet tapplika għall-ftehim ta’akkwist u ta’ għoti f’dak iż-żmien biss.

Il-bord tat-tmexxija ddeċieda wkoll li għandhom jintalbu interessi tardivi lill-Membru li ma ħallasx il-kontribuzzjoni tiegħu tal-2011 sa tmiem Ottubru. Tliet membri ħallsu l-pagamenti tagħhom tard iżda f’każ wieħed l-interessi li għandhom jintalbu kienu taħt il-limitu ta’ EUR 200. L-interessi tardivi dovuti għall-2011 intalbu flimkien mal-kontribuzzjoni tas-sħubija għall-2012 u kienet ipprovduta informazzjoni bid-dettalji lill-Qorti matul il-Verifika.

Id-deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija ġiet formalizzata bl-adozzjoni tal-emenda li ġejja għar-Regoli ta’ Implimentazzjoni tal-F4E fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta’ Ġunju 2012: “Kwalunkwe ammont riċevut fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-Sħubija Annwali ser jinkludi l-interessi f’konformità mal-paragrafu 2b u 3 jekk ma jitħallasx sal-iskadenza msemmija fl-Artikolu 45(3)(b).”

28

In-natura distinta tal-ħidma tal-Impriża Konġunta hija kkaratterizzata bl-akkwist ta’ komponenti teknoloġiċi għolja, li qatt ma nbnew qabel u mingħajr l-ebda valur kummerċjali, imfassla għall-kostruzzjoni ta’ reattur sperimentali għall-fużjoni. Barra minn hekk, il-‘Fużjoni għall-Enerġija’ topera f’suq estremament kumpless fejn sitwazzjonijiet ta’ monopolju u oligopolija huma predominanti. Sabiex ikun jista’ jopera b’suċċess f’dan il-kuntest, u kif previst mir-Regolament Finanzjarju tiegħu, il-Bord tat-Tmexxija tal-F4E, bi qbil mal-Kummissjoni Ewropea, adotta ċerti dispożizzjonijiet fir-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni tiegħu li jidderogaw mir-regolament finanzjarju ġenerali (qafas).

F’dan il-kuntest, il-limiti għal kuntratti ta’ valur baxx (Artikolu 80 tal-IRs), għall-użu ta’ proċedura ta’ negozjar (Artikolu 100 tal-IRs), kif ukoll għall-proċedura ta’ djalogu kompetittiv (Artikoli 93-99 tal-IRs) u għall-kompożizzjoni tal-kumitati tal-ftuħ (Artikoli 119 u 120 tal-IRs), ġew adatti għall-kondizzjonijiet teknoloġiċi u tas-suq tal-proġett ITER, kuntrarju għall-limiti mfassla oriġinarjament għall-forniment ta’ oġġetti u servizzi għal xiri amministrattiv.

29

Fir-rigward tar-regoli ta’ implimentazzjoni li ġew riveduti biex jitqiesu l-kummenti mill-Qorti (eż. kondizzjonijiet biex jogħla u jingħata self jew ir-regoli għall-valutar ta’ kontributi f’affarijiet), l-Impriża Konġunta tqis li r-regoli ta’ implimentazzjoni emendati jipprovdu gwida suffiċjenti għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet. Kwalunkwe speċifikazzjoni addizzjonali fir-regoli tista’ tirriżulta f’li tagħmilhom riġidi u mhux flessibbli, u b’hekk isiru impossibbli li jiġu adatti għas-sitwazzjonijiet possibbli differenti li jistgħu jinqalgħu fir-realtà. Fi kwalunkwe każ, l-Impriża Konġunta ser tipprovdi l-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa fil-mod kif tista’ timplimenta l-kondizzjonijiet biex jogħla jew jingħata self, jew fil-mod kif stabbilixxiet (jew ser tistabbilixxi) il-valur għal kwalunkwe kontribut f’affarijiet li tista’ tirċievi.

30

L-estimi tal-valur totali tal-proġett huma bbażati fuq ir-rapport Toschi. Issa l-F4E qed timpenja ruħha f’eżerċizzju biex tallinja l-ispiża kollha li saret s’issa mal-valuri tal-2008 sabiex tkun tista’ tistabbilixxi d-devjazzjonijiet potenzjali mill-estimi.

Ġiet żviluppata għodda ta’ monitoraġġ tal-proġett integrat li tippermetti l-monitoraġġ ta’ devjazzjonijiet mill-ispiża potenzjali u ilha taħdem minn Settembru 2012 fl-F4E, billi tagħmel il-migrazzjoni ta’ dejta ta’ ġestjoni tal-proġett, bħal skedi, u l-ġestjoni finanzjarja tal-Istruttura l-ġdida għat-Tqassim tax-Xogħol. Jinsab għaddej żvilupp addizzjonali għall-Ġestjoni tal-Valur tal-Qligħ u l-Estimi tal-Ispiża tal-Linja bażi b’kuntratt.

32

Il-Ftehim Ospitanti ffirmat bejn il-‘Fużjoni għall-Enerġija’ u r-Renju ta’ Spanja fl-2007 jipprevedi tabilħaqq li Spanja ser tipprovdi lill-F4E bini permanenti sa mhux aktar tard minn 3 snin wara l-iffirmar tal-ftehim. Il-Ftehim jipprevedi wkoll li sadanittant, u qabel il-bini finali jsir disponibbli, Spanja ser tipprovdi bini temporanju.

Filwaqt li Spanja għada ma pprovdietx bini permanenti, l-Impriża Konġunta qed tokkupa bini temporanju mingħajr ħlas, peress li Spanja tħallas l-ispiża sħiħa tal-bini (kiri u manutenzjoni kif previst mill-Ftehim Ospitanti, filwaqt li l-F4E tħallas il-parti tal-kerrej tal-bini temporanju)


10.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 6/46


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2013/C 6/06

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta SESAR, li tinsab fi Brussell, twaqqfet fi Frar 2007 (1) sabiex iġġesti l-attivitajiet tal-programm SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru tas-Sema Uniku Ewropew).

2.

Il-programm SESAR jimmira li jimmodernizza l-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) fl-Ewropa u huwa maqsum fi tliet fażijiet:

(a)

Il-“Fażi ta’ definizzjoni” bdiet fl-2005 u tmexxiet mill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol), b'kofinanzjament mill-baġit tal-Unjoni Ewropea (UE) permezz tal-programm tan-Netwerk tat-Trasport Trans Ewropew. Ir-riżultat huwa l-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew, li jiddefinixxi l-pjanijiet għall-kontenut, għall-iżvilupp u għall-iskjerament tal-ġenerazzjoni ta’ sistemi ATM li tmiss.

(b)

Il-“Fażi ta’ żvilupp” (2008-2013) ġestita mill-Impriża Konġunta SESAR (ara l-Anness) u li twassal għall-produzzjoni ta’ sistemi teknoloġiċi, komponenti u proċeduri operazzjonali ġodda kif definiti fil-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew.

(c)

Il-“Fażi ta’ twaqqif” (skjerament) (2014-2020) li għandha titmexxa mill-industrija u mill-partijiet interessati, għall-produzzjoni u l-implimentazzjoni fuq skala kbira tal-infrastruttura tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru l-ġdida.

3.

L-Impriża Konġunta hija mfassla bħala sħubija pubblika-privata. Il-membri fondaturi huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Eurocontrol rrappreżentata mill-Aġenzija tagħha. Wara sejħa għall- espressjonijiet ta’ interess, 15-il intrapriża pubblika u privata mill-industrija tan-navigazzjoni tal-ajru huma membri tal-Impriża Konġunta. Dawn jinkludu fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, l-industrija tal-manifattura tal-art u tal-ajruspazju, manifatturi tal-ajruplani, awtoritajiet tal-ajruport u manifatturi ta’ tagħmir għal operazzjonijiet tal-ajru.

4.

Il-baġit għall-fażi ta’ żvilupp tal-programm SESAR huwa ta’ EUR 2,1 biljun, li jrid jingħata f'partijiet ugwali mill-UE, mill-Eurocontrol u mill-imsieħba pubbliċi u privati parteċipanti. Il-kontribuzzjoni tal-UE hija ffinanzjata mis-Seba' Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u mill-programm tan-Netwerk tat-Trasport Trans Ewropew. Madwar 90 % tal-finanzjament mill-Eurocontrol u mill-partijiet interessati l-oħrajn jieħdu l-għamla ta’ kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji.

5.

L-Impriża Konġunta SESAR bdiet taħdem b'mod awtonomu fl-10 ta’ Awwissu 2007.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll. Dan huwa supplimentat b'evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

7.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (2) tal-Impriża Konġunta SESAR, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (3) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

8.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji (5) tal-Impriża Konġunta, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (6). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (7) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

9.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal- Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

10.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

11.

Awditu (Verifika) jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti tal-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur iqis il-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet u tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll implimentati sabiex jiġu aċċertati (żgurati) l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, sabiex ifassal il-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. Awditu (Verifika) jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

12.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli tal-kontabilità adottati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni (8).

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

15.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

16.

Il-baġit finali għall-2011 adottat mill-Bord Amministrattiv kien jinkludi approprjazzjonijiet tal-impenji ta’ EUR 148 miljun u approprjazzjonijiet tal-pagamenti ta’ EUR 91,7 miljun. Ir-rati ta’ użu għall-approprjazzjonijiet ta’ impenji u ta’ pagament kienu 99,4 % u 82,4 % rispettivament.

17.

Fl-2011, il-kontribuzzjonijiet mill-membri (EUR 34 miljun) flimkien mar-riżultat tas-sena ta’ qabel (EUR 57 miljun) u sorsi oħra ta’ dħul (EUR 0,2 miljun) ammontaw għal EUR 91,2 miljun, kontra pagamenti ta’ EUR 75,6 miljun. Dan wassal għal riżultat tal-baġit pożittiv ta’ EUR 15,6 miljun u depożiti fil-kontijiet tal-bank fi tmiem is-sena li jammontaw għal EUR 15,3 miljun. Dan imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-ekwilibriju.

KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA' SORVELJANZA U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

Sistemi ta’ kontroll intern

18.

Il-Qorti tinnota li analiżi tal-proċessi tan-negozju tal-Impriża Konġunta li twettqet minn awditur estern indipendenti fl-2011 sabet li s-sistemi ta’ kontroll intern kienu qed joperaw b'mod effettiv. F'April tal-2012, l-Uffiċjal tal-Kontabilità vvalida b'mod formali l-proċessi tan-negozju ta’ bażi, f'konformità mar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

Il-funzjoni tal-verifika interna u s-Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni

19.

Il-Qorti qabel osservat li l-Kummissjoni u l-Impriża Konġunta SESAR ħadu azzjoni biex jiċċaraw l-irwoli operazzjonali rispettivi tas-Servizz tal-Awditjar (Verifika) Intern tal-Kummissjoni (IAS) u tal-funzjoni tal-verifika interna tal-Impriża Konġunta (9).

20.

Il-Qorti tinnota li, f'Novembru 2011, il-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta adotta Pjan ta’ Verifika Strateġiku Koordinat tal-IAS għall-Impriża Konġunta għall-perjodu 2012-2014.

KWISTJONIJIET OĦRA

Pagament tard tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija

21.

Id-data tal-għeluq tal-1 ta’ Lulju 2010 għal pagament lill-Impriża Konġunta tal-kontribuzzjonijiet fi flus mill-membri tagħha għal dik is-sena ma ġietx rispettata. Fl-aħħar ta’ Awwissu 2011 kien għad fadal 17-il ordni ta’ rkupru pendenti, li jammontaw għal EUR 3,7 miljun. Membru wieħed ma kien ħallas l-ebda kontribuzzjoni annwali sal-aħħar tal-2011.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-15 ta’ Novembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 dwar it-twaqqif ta’ Impriża Konġunta biex tiżviluppa s-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropew (SESAR) (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1), emendat bir-Regolament (KE) Nru 1361/2008 (ĠU L 352, 31.12.2008, p. 12).

(2)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li jagħti aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-baġit.

(3)  Ir-rapporti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u sommarju tal-politiki tal-kontabilità prinċipali u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(5)  Ir-Regoli Finanzjarji tas-SESAR adottati mill-Bord Amministrattiv fit-28 ta’ Lulju 2009.

(6)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(7)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Korpi tal-UE huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta SESAR.

(8)  Ir-Regoli tal-Kontabilità adottati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni ġejjin mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) jew, fin-nuqqas tagħhom, l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS).

(9)  Ir-Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta (ĠU C 368, 16.12.2011, p. 32).


ANNESS

L-Impriża Konġunta SESAR (Brussell)

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(l-Artikolu 187)

Ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju

L-eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni tal-UE.

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta / Aġenzija Eżekuttiva

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1361/2008)

L-objettivi prinċipali

L-għan tal-Impriża Konġunta għandu jkun li tiżgura l-modernizzazzjoni tas-sistema Ewropea ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru billi tikkoordina u tikkonċentra l-isforzi relevanti kollha ta’ riċerka u żvilupp fl-Unjoni. Hi għandha tkun responsabbli mill-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM u b'mod partikolari mit-twettiq tal-kompiti li ġejjin:

l-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR, skont il-Pjan Regolatorju tal-ATM, li jirriżultaw mill-fażi ta’ definizzjoni tal-proġett amministrat mill-Eurocontrol, billi tikkombina u tamministra taħt struttura unika l-finanzjament tas-settur pubbliku u ta’ dak privat,

l-iżgurar tal-finanzjament meħtieġ għall-attivitajiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR skont il-Pjan Regolatorju tal-ATM,

l-iżgurar tal-involviment tal-partijiet interessati tas-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa, b’mod partikolari: il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-utenti tal-ispazji tal-ajru, l-assoċjazzjonijiet professjonali tal-persunal, l-ajruporti, u l-industrija tal-manifattura; kif ukoll l-istituzzjonijiet xjentifiċi relevanti jew il-komunità xjentifika relevanti,

l-organizzazzjoni tal-ħidma teknika ta’ riċerka u żvilupp, ta’ validazzjoni u studju, li għandha titwettaq taħt l-awtorità tagħha waqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni ta’ tali attivitajiet,

l-iżgurar tas-superviżjoni ta’ attivitajiet relatati mal-iżvilupp ta’ prodotti komuni debitament identifikati fil-Pjan Regolatorju tal-ATM u jekk ikun meħtieġ, l-organizzazzjoni ta’ sejħiet speċifiċi għall-offerti.

It-tmexxija

Il-Bord Amministrattiv

Il-Bord Amministrattiv huwa responsabbli milli:

(a)

jadotta l-Pjan Regolatorju tal-ATM approvat mill-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament u japprova kwalunkwe proposta għall-modifika tiegħu;

(b)

jagħti linji gwida u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR u jeżerċita kontroll ġenerali fuq l-implimentazzjoni tiegħu;

(c)

japprova l-programm ta’ ħidma u l-programmi annwali ta’ ħidma tal-Impriża Konġunta msemmijin fl-Artikolu 16(1) kif ukoll il-baġit annwali, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal (tabella tal-persunal);

(d)

jawtorizza n-negozjati u jiddeċiedi dwar l-adeżjoni ta’ membri ġodda u dwar il-ftehimiet relatati kif imsemmija fl-Artikolu 1(3);

(e)

jissorvelja l-eżekuzzjoni tal-ftehimiet bejn il-membri u l-Impriża Konġunta;

(f)

jaħtar u jneħħi lid-Direttur Eżekuttiv u japprova l-iskema tal-organizzazzjoni u jimmonitorja l-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

(g)

jiddeċiedi dwar l-ammonti u l-proċeduri għall-pagament tal-kontributi finanzjarji tal-membri u l-evalwazzjoni tal-kontributi mhux finanzjarji;

(h)

jadotta r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta;

(i)

japprova l-kontijiet u l-karta tal-bilanċ annwali;

(j)

jadotta r-rapport annwali dwar il-progress tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu msemmi fl-Artikolu 16(2);

(k)

jiddeċiedi dwar proposti lill-Kummissjoni dwar l-estensjoni u x-xoljiment tal-Impriża Konġunta;

(l)

jistabbilixxi proċeduri għall-għoti ta’ drittijiet ta’ aċċess għall-assi tanġibbli u intanġibbli li jkunu l-proprjetà tal-Impriża Konġunta u t-trasferiment ta’ tali assi;

(m)

jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM, inklużi l-proċeduri speċifiċi għall-konflitti ta’ interess;

(n)

jiddeċiedi dwar il-proposti lill-Kummissjoni għall-emendament tal-Istatuti skont l-Artikolu 24;

(o)

jeżerċita tali poteri oħrajn u jwettaq tali funzjonijiet oħrajn, inkluż l-istabbiliment ta’ korpi sussidjarji, kif jista' jkun meħtieġ għall-finijiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR;

(p)

jadotta l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 8.

Id-Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwettaq il-kompiti tiegħu b'independenza sħiħa fil-poteri assenjati lilu.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddirieġi l-eżekuzzjoni tal-proġett SESAR fil-linji gwida stabbiliti mill-Bord Amministrattiv li għalih huwa għandu jkun responsabbli. Huwa għandu jipprovdi lill-Bord Amministrattiv bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tiegħu.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu:

‘(a)

jimpjega, imexxi u jissorvelja l-persunal tal-Impriża Konġunta, inkluż il-persunal imsemmi fl-Artikolu 8;’;

(b)

jorganizza, imexxi u jissorvelja l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta;

(c)

jippreżenta lill-Bord Amministrattiv il-proposti tiegħu dwar il-iskema tal-organizzazzjoni;

(d)

ifassal u jaġġorna regolarment il-programm ta’ ħidma globali u dak annwali tal-Impriża Konġunta, inkluż estimu dwar l-ispejjeż tal-programm, u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv;

(e)

ifassal, skont ir-Regolamenti Finanzjarji, l-abbozz tal-baġit annwali, inkluż it-tabella tal-persunal, u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv;

(f)

jiżgura li jitwettqu l-obbligi tal-Impriża Konġunta, fir-rigward tal-kuntratti u l-ftehimiet li hija tikkonkludi;

(g)

jiżgura li l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta jitwettqu b'indipendenza sħiħa u mingħajr kwalunkwe konflitt ta’ interess;

(h)

ifassal ir-rapport annwali dwar il-progress tal-proġett SESAR u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, u tali rapporti oħrajn li jistgħu jintalbu mill-Bord Amministrattiv, u jippreżentahom lil dan tal-aħħar;

(i)

jippreżenta l-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ lill-Bord Amministrattiv;

(j)

jippreżenta lill-Bord Amministrattiv kwalunkwe proposta li tinvolvi tibdiliet fit-tfassil tal-proġett SESAR.

Il-Verifika Interna

L-Awditur Intern tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-verifika esterna

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

L-awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Bord Amministrattiv tal-IKS.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2011 (2010)

Il-Bagit

EUR 147,7 miljun

(EUR 129,5 miljun)

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

Il-baġit operattiv għall-2011 jipprevedi tabella tal-persunal ta’ 39 Aġent Temporanju (TA) u 3 Esperti Nazzjonali Ssekondati (SNE), li jwassal għal total ta’ 42 kariga tal-persunal, li minnhom 35 kienu okkupati fl-aħħar tas-sena tal-2011 meta mqabbel ma’ 37 fl-2010):

23 membru tal-persunal temporanju, irreklutati esternament,

8 membri tal-persunal issekondati mill-Membri tal-IKS skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 219/2007,

3 membri tal-persunal b’kuntratt,

1 SNE.

Allokati lil

Kompiti operazzjonali: 19

Kompiti amministrattivi u ta’ sostenn: 15

Kompiti mħallta: 1

Il-prodotti u s-servizzi fl-2011

L-2011 tikkostitwixxi sena ewlenija fil-progress lejn l-ilħuq tal-Objettivi ta’ Nofs it-Terminu u l-Viżjoni 2012. Partikolarment:

L-Objettiv Nru 1 –   It-trajettorja 4D tal-bidu tiġi validata f’ambjent operazzjonali appoġġata minn teknoloġija bbażata fuq is-satelliti

L-operazzjonijiet ibbażati fuq it-trajettorja 4D tal-bidu huma ppjanati li jiġu validati matul l-ewwel eżerċizzju ta’ validazzjoni li qiegħed iseħħ bħala parti mir-Release 1 fi Frar 2012 fl-ambjent tat-traffiku tal-MUAC, in-NUAC u l-Approċċ ta’ Stokkolma. Għadd ta’ attivitajiet ta’ tħejjija twettqu fl-2011, inklużi l-iżvilupp u l-integrazzjoni taż-żewġ prototipi FMS kif ukoll għadd ta’ attivitajiet ta’ simulazzjoni li jikkollegaw bejn il-pjattaformi ta’ simulazzjoni tal-art u tal-ajru. It-tieni iterazzjoni, parti mir-Release 2, hija ppjanata għal tard fl-2012 u t-tielet waħda għall-2013. Il-mira se tkun li tiġi validata l-proċedura operazzjonali għat-titjir skont CTA fl-ispazju tal-ajru En-route u TMA.

Huwa mistenni li, kif ippjanat, l-objettiv se jintlaħaq fil-parti l-kbira fl-2012, għalkemm l-użu ta’ teknoloġiji bbażati fuq is-satelliti qiegħed jiġi introdott wara l-iskeda ta’ żmien tal-2013.

L-Objettiv Nru 2 –   10 000 titjira, inklużi 500 militari, ikollhom it-tikketta SESAR

Fl-2011, 9 366 titjira kummerċjali wrew benefiċċji bikrin tas-SESAR (inklużi dimostrazzjonijiet ta’ titjiriet AIRE u OPTIMI). Madankollu ta’ min jinnota li għalissa l-għadd ta’ titjiriet militari għadu limitat. Minbarra l-attivitajiet tal-Programm li għadhom għaddejjin, il-Bord Amministrattiv tal-IKS iddeċieda li titvara s-sejħa għal “Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni” fejn testijiet integrati matul l-2012 se jippermettu lill-IKS tilħaq il-mira u ddaħħal id-dimensjoni militari fil-parti l-kbira matul l-2013 ukoll.

L-Objettiv Nru 3 –   80 % tal-proġetti SESAR ittestjaw il-prodotti tagħhom f’ambjent ta’ realtà

Sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ 80 % ta’ eżerċizzji ta’ validazzjoni f’ambjent ta’ realtà, ġiet stabbilita Strateġija ta’ Validazzjoni. B’mod partikolari, il-prodotti tar-Release 1 u dawk ippjanati għar-Release 2 fl-2012 se jorbtu l-Proġetti primarji mal-eżerċizzji differenti mwettqa fi ħdan l-Oqsma ta’ Fokus Operazzjonali u ma’ sistemi jew ambjent reali.

L-Objettiv Nru 4 –   L-ewwel piloti SWIM huma stabbiliti biex ipartu d-data madwar tal-inqas ħames dominji

Bħalma ġie diġà rrappurtat lill-Bord Amministrattiv (minn hawn ’il quddiem ukoll l-ADB), fl-2011 ġie introdott Pjan ta’ Azzjoni SWIM biex iwieġeb għar-riskji identifikati fil-Proġetti relatati, fost l-oħrajn, in-nuqqas ta’ qafas legali għas-SWIM. Inkiseb xi progress u dan intwera fl-Avveniment ta’ Dimostrazzjoni SWIM, li sar f’Novembru 2011 b’parteċipazzjoni tajba mill-programm ġenerali. Madankollu għadd ta’ kwistjonijiet u prijoritajiet li għadhom mhux riżolti s’issa dewmu l-ilħuq ta’ dan l-objettiv ta’ nofs it-terminu. Minkejja l-progress miksub sa tmiem is-sena 2011 u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni bil-kontributi tal-eżerċizzju ta’ validazzjoni li għadu għaddej, x’aktarx li l-objettiv ma jintlaħaqx fl-iskeda ta’ żmien stabbilita.

L-Objettiv Nru 5 –   L-ewwel torri remot huwa lest biex jibda jopera

L-ewwel eżerċizzji ta’ validazzjoni għat-Torri Remot, parti mir-Release 1, twettqu kif ippjanat u se jitlestew matul l-2012 biex jintlaħaq dan l-objettiv ta’ nofs it-terminu. L-eżerċizzju tar-Release 1 ikkonferma:

il-fattibbiltà li jingħata Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru lill-ajruport ta’ Ängelholm miċ-Ċentru tat-Torri Remot ATCC R&D f’Malmö;

il-fattibbiltà tat-twettiq ta’ operazzjonijiet nominali u mhux nominali b’mod remot;

il-fattibbiltà teknika li tinqabad is-sitwazzjoni tat-traffiku u l-ambjent operazzjonali “out of window” minn ajruport wieħed u li tintwera din l-istampa fis-sit remot.

L-Awtoritajiet Regolatorji ħadu sehem f’dawn il-provi.

L-Objettiv Nru 6 –   Jintwerew il-benefiċċji tas-SESAR fi bliet pari li jikkollegaw bejn tmien ajruporti Ewropej

Wara s-suċċess tal-ewwel ċiklu AIRE fl-2009, l-Impriża Konġunta SESAR aktar estendiet din il-green branch tal-Programm SESAR. Permezz tal-kollegament ta’ ajruporti Ewropej prinċipali (Pariġi, Vjenna, Madrid, Kolonja, Dusseldorf, Praga, Brussell, Toulouse, …) u l-involviment ta’ madwar 40 sieħeb fl-Ewropa u lil hinn minnha, l-AIRE wriet benefiċċji sinifikanti f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-emissjonijiet. Il-kwalità ta’ dawn ir-riżultati hija għolja mhux biss f’dak li jirrigwarda t-tnaqqis ta’ konsum tal-fjuwil u b’hekk l-emissjonijiet ta’ CO2, iżda minħabba r-rata ta’ konverżjoni għolja minn proġetti għal prattika tal-ATM ta’ kuljum.

Ir-riżultati tal-AIRE u r-riżultati mistennija fis-sejħa għal “attivitajiet ta’ dimostrazzjoni” varata u li għandha titwettaq matul l-2012 se jippermettu l-ilħuq tal-objettiv.

L-Objettiv Nru 7 –   L-utenti tal-ispazju tal-ajru ngħaqdu mal-mudell ekonomiku SESAR għal operazzjonijiet ibbażati fuq il-ħin

Dan l-objettiv għandu ħafna dimensjonijiet u l-proċess ta’ żvilupp tal-mudell ekonomiku għad mhuwiex matur biex iħaddan il-perspettivi kollha tal-partijiet interessati differenti. Minkejja dan, ġie investit sforz sostanzjali fl-iżvilupp ta’ metodoloġiji tal-mudell ekonomiku għal ANSPs, utenti tal-ispazju tal-ajru u ajruporti. Fl-2011 ġew validati l-prodotti tal-Pass 1 tal-Operazzjonijet 4D Ibbażati fuq il-Ħin u se jkomplu jiġu validati fl-2012 u se jsir progress fl-attivitajiet ta’ standardizzazzjoni wkoll. Sa ċertu punt u f’xi oqsma, il-mudell ekonomiku se jiġi approvat sal-livell ta’ prontezza għall-industrijalizzazzjoni, fejn se tinħtieġ aktar ħidma mal-partijiet interessati fuq l-iskjerament tiegħu. L-objettiv mhuwiex se jintlaħaq fl-iskeda ta’ żmien stabbilita għalkemm informazzjoni preliminari dwar il-mudell ekonomiku se tkun disponibbli biex titħejja t-tranżizzjoni għall-iskjerament għall-ewwel soluzzjonijiet SESAR mill-2013.

Barra minn hekk, dan li ġej jagħti stampa usa’ dwar il-progress u l-kisbiet għall-2011:

l-ewwel kontenut tar-Release tas-SESAR, ir-Release 1, ġie konsolidat permezz ta’ reviżjoni inizjali tal-Inġinerija tas-Sistemi u approvat mill-Bord Amministrattiv bħala parti mill-AWP 2011. Dan kien magħmul minn 29 Eżerċizzju ta’ Validazzjoni li indirizzaw elementi ta’ kunċett f’16-il Qasam ta’ Fokus Operazzjonali;

f’Ġunju 2011, seħħet it-tieni analiżi tal-Inġinerija tas-Sistemi biex jiġi vvalutat il-progress tar-Release 1 lejn il-validazzjoni tal-pass V3 u, b’mod partikolari, tal-pjanijiet ta’ validazzjoni u tal-prontezza tal-pjattaformi. L-analiżi rriżultat f’għadd ta’ azzjonijiet korrettivi biex jiġu mitigati r-riskji relatati mal-eżekuzzjoni tar-Release. L-analiżi kkonkludiet li l-progress ġenerali kien adegwat, filwaqt li ġew innutati xi dgħufijiet f’dak li jirrigwarda l-konsum tar-riżorsi u l-allinjament tal-prodotti. B’mod partikolari, il-livell ta’ maturità tal-proġetti fis-segwitu tal-metodoloġija EOCVM, għalkemm tjieb meta mqabbel mal-2010, kien għadu mhux biżżejjed;

ir-Release 1 beda jwassal riżultati tanġibbli u jindika punt ta’ bidla fl-iżvilupp tas-sistema ġdida tal-ATM;

fi tmiem l-2011, twettqu 26 attività ta’ validazzjoni, li jfisser li nkiseb 90 % tar-Release 1 u li tliet eżerċizzji jiġu posposti għall-2012;

282 proġett jinsabu fil-fażi ta’ eżekuzzjoni, u jirrappreżentaw aktar minn 90 % tal-Programm kollu, iżda l-progressjoni tal-Programm mhijiex imqassma b’mod indaqs. Fil-fatt, id-derivazzjoni tal-kunċett ta’ livell għoli għal rekwiżiti operazzjonali qed iddum aktar milli mistenni u dan għandu impatt fuq il-perkors kritiku ta’ bosta proġetti tekniċi. Għadd ta’ azzjonijiet ta’ mitigazzjoni kellhom jiġu stabbiliti u qegħdin jiġu monitorjati fil-livell tal-Grupp ta’ Kontroll tal-Programm. Is-SWIM huwa qasam ieħor ta’ tħassib fejn ġie mfassal pjan ta’ azzjoni dedikat biex jingħelbu l-kwistjonijiet identifikati matul l-2011.

F’dak li jirrigwarda l-konsum tar-riżorsi (FTE), l-ewwel estimi fi tmiem l-2011 mogħtija mill-Membri jindikaw sottokonsum ġenerali ta’ madwar 20 %. Minkejja dan, ta’ min jinnota li għal ħafna Proġetti t-tqassim ippjanat tar-riżorsi matul il-fażi ta’ eżekuzzjoni jinsab taħt reviżjoni u għadu mhuwiex rifless fil-bażi użata għall-kejl tal-progressjoni tal-Programm. Wara r-riallokazzjoni tal-IBAFO I u II adottata mill-Bord Amministrattiv fil-15 ta’ Diċembru 2011, wieħed jista’ jikkonkludi li hemm sottokonsum tar-riżorsi fl-istadji bikrin tal-Programm li jidher li qed jiġi kkumpensat minn livell ogħla ta’ riżorsi sa tmiem il-Programm.

Xejra simili iżda inqas evidenti – maturità u riżorsi – donnha tidher f’dak li jirrigwarda l-prodotti, peress li f’xi oqsma l-IKS nnutat forniment aktar tal-prodotti bil-mod f’konformità mas-sottokonsum tar-riżorsi. Sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni f’terminu ta’ żmien qasir, ittieħdu miżuri differenti, fost l-oħrajn, talba lill-membri tal-Kumitat tal-Programm biex iwettqu aktar verifikazzjonijiet fil-livell tal-imsieħba, analiżi tar-raġunijiet prinċipali għas-sottokonsum, ir-riallokazzjoni tal-IBAFO I u II, it-terminazzjoni ta’ xi Proġetti, eċċ. Il-miżuri kollha huma monitorjati fil-livell tal-ġestjoni tar-riskju u konsolidati fil-livell tal-IKS. Barra minn hekk, titwettaq ħidma mal-Membri biex jiġu identifikati l-kawżi fundamentali ewlenin. Xi wħud minnhom jistgħu jissemmew diġà, bħall-organizzazzjoni tal-ħidma f’xi Proġetti, xi kontributi desinkronizzati madwar il-Programm, in-nuqqas ta’ identifikazzjoni ċara tal-prodotti u ta’ kriterji tal-kwalità li jkunu aktar speċifiċi.

Fir-rigward tat-310 proġetti R&D u ta’ Ġestjoni taħt ir-responsabbiltà tal-IKS (minbarra l-Proġetti WP E tar-Riċerka fuq Żmien Twil) it-tabella hawn taħt tagħti sommarju tas-sitwazzjoni skont l-istatus tal-proġett fi tmiem l-2011.

 

Fil- 31.12.2010

Implimentati fl-2011

Fil- 31.12.2011

 

Għadd totali ta’ Proġetti fil- Programm SESAR

304

6

310

 

li minnhom

 

 

 

 

Proġetti mibdija

285

16

301

 

proġetti kanċellati

2

1

3

0,9 %

proġetti sospiżi

11

–1

10

3,2 %

proġetti li għadhom qegħdin jinbdew

26

–20

6

2 %

proġetti fil-fażi ta’ eżekuzzjoni

246

36

282

91 %

Proġetti li għandhom jinbdew

19

–10

9

2,9 %

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta SESAR.


IT-TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA SESAR

Id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni

13 – 14.

L-Impriża Konġunta SESAR (SJU) tikkonferma b’sodisfazzjon l-opinjoni ta’ verifika nadifa tal-Qorti dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali għall-2011 kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

L-opinjonijiet tal-verifika jikkostitwixxu kisba importanti għall-SJU, li wieħed jista’ jibni fuqha sabiex ikompli jiġi assigurat li l-ġestjoni interna u s-sistemi ta’ kontroll adegwati huma stabbiliti u effettivi fl-ilħuq tal-objettivi tal-Programm SESAR.

ll-Ġestjoni tal-Baġit u dik Finanzjarja

17.

L-SJU tqis li għamlet aktar progress fir-rigward tal-prinċipju baġitarju ta’ ekwilibriju. Il-bilanċ tal-flus kontanti ta’ tmiem is-sena 2011 naqas minn EUR 57,2 miljun għal EUR 15,3 miljun li jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 73.2 %. L-SJU se tkompli bl-isforzi tagħha biex tassigura ġestjoni ottima ta’ flus kontanti u r-rispett tal-prinċipji tal-baġit.

Kwistjonijiet Oħra - Pagament tard tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija

21.

Il-kontribuzzjoni tard li kienet għadha pendenti fi tmiem is-sena tħallset fi Frar 2012. L-SJU se tkompli tiddiskuti mal-Membri tagħha dwar l-aktar approċċ xieraq biex ikun assigurat ir-rispett tad-dati tal-iskadenzi kuntrattwali għall-pagament ta’ kontribuzzjonijiet ta’ flus kontanti tas-sħubija.


10.1.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 6/56


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2011 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2013/C 6/07

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (Impriża Konġunta FCH), li tinsab fi Brussell, twaqqfet f’Mejju 2008 (1) għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017.

2.

L-objettivi tal-Impriża Konġunta FCH jinkludu l-appoġġ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni fl-Istati Membri u pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru (2) b’mod koordinat flimkien ma’ organizzazzjonijiet tal-industrija u tar-riċerka sabiex tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tas-suq u b’hekk tiffaċilita sforzi industrijali addizzjonali lejn utilizzazzjoni mgħaġġla tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu (3).

3.

Il-Membri tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Kummissjoni, in-New Energy World Industry Grouping (NEW-IG) u l-Komunità tar-riċerka (N.ERGHY).

4.

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta FCH biex tkopri l-ispejjeż ta’ ġestjoni u l-attivitajiet tar-riċerka hija ta’ EUR 470 miljun iffinanzjati mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru, li minnha l-proporzjon assenjat għal spejjeż ta’ ġestjoni m’għandux ikun aktar minn EUR 20 miljun. NEW-IG għandu jikkontribwixxi 50 % tal-ispejjeż ta’ ġestjoni u N.ERGHY għandha tikkontribwixxi 1/12 tal-ispejjeż ta’ ġestjoni u għandha tikkontribwixxi għall-ispejjeż operazzjonali permezz ta’ kontribuzzjonijiet in natura  (4) li jkunu għall-anqas ekwivalenti għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

5.

L-Impriża Konġunta ngħatat l-awtonomija finanzjarja tagħha fil-15 ta’ Novembru 2010.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

L-approċċ tal-verifika meħud mill-Qorti fih proċeduri tal-verifika analitiċi, ittestjar tat-tranżazzjonijiet fil-livell tal-Impriża Konġunta u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Impriża Konġunta. Dan huwa supplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn huwa relevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

7.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (5) tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, li jikkonsistu fir-“rapporti finanzjarji” (6) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (7) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011, u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

8.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (8).

Ir-responsabbiltà tal-Maniġment

9.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (9). Id-Direttur huwa responsabbli milli jistabbilixxi (10) l-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ kontroll interni relevanti għat-tħejjija ta’ kontijiet finali (11) li jkunu ħielsa minn dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba fi frodi u sew jekk minħabba xi żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Awditur

10.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.

11.

Il-Qorti mexxiet l-awditu (verifika) tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar (Verifika) u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (12). Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tkun konformi mar-rekwiżiti etiċi u professjonali u li tippjana u twettaq l-awditu (verifika) biex tikseb aċċertament (assigurazzjoni) raġonevoli dwar jekk il-kontijiet ikunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

12.

L-awditu (verifika) tal-Qorti jinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar (verifika) dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet (żvelar) fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Il-proċeduri magħżula, inkluża l-valutazzjoni tagħha tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet jew ta’ tranżazzjonijiet illegali jew irregolari, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball, jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditjar (verifika) tagħha. Meta jsiru dawk il-valutazzjonijiet tar-riskji, jitqiesu l-kontrolli interni relevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-kontijiet mill-entità sabiex jitfasslu l-proċeduri tal-awditjar (verifika) li jkunu xierqa skont iċ-ċirkostanzi. L-awditu (verifika) tal-Qorti jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi li jkunu qed jiġu applikati u r-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi magħmula mill-maniġment, kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

13.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar (verifika) miksuba hija suffiċjenti u adegwata biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet imniżżlin hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2011 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus (likwidità) tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha.

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

15.

Strateġija tal-verifika ex post kienet adottata mill-Bord ta’ Tmexxija f’Jannar 2011 u hi kontroll ewlieni għall-valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (13). Tmienja biss minn tnax-il verifika ex post kienu kkompletati sa Settembru 2012 li jkopru EUR 4,8 miljun (27 % tal-klejms kollha għall-ispejjeż irċevuti mill-Impriża Konġunta FCH fl-2011). Sitta mill-verifiki ma ppreżentawx żbalji materjali imma t-tnejn l-oħra qabdu żbalji sinifikanti (14), li l-akbar fosthom (EUR 764 000) ġie kkoreġut fis-sena ta’ wara.

Opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

16.

Fl-opinjoni tal-Qorti, għajr għall-effetti tal-kwistjonijiet deskritti fil-paragrafu 15, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2011 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

17.

Il-kummenti li jsegwu fil-paragrafi 18 sa 27 ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

18.

Il-baġit finali 2011 inkluda approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament li ammontaw għal EUR 117-il miljun u EUR 60 miljun rispettivament. Ir-rati ta’ utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament disponibbli kienu 99,8 % u 87,9 % rispettivament. Ammont ta’ EUR 112-il miljun li jirrappreżenta approprjazzjonijiet ta’ impenn disponibbli għal attivitajiet operazzjonali (it-Titolu III tal-baġit) kien implimentat permezz ta’ impenn globali relatat mas-sejħa għal proposti 2011.

19.

Il-proċedura baġitarja msemmija fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH (15) ma kinitx segwita; id-deroga mogħtija mill-Kummissjoni sabiex jiddaħħlu approprjazzjonijiet ikkanċellati fl-estimi tad-dħul u l-infiq għat-tliet snin ta’ wara kienet interpretata ħażin. L-Impriża Konġunta għażlet li tuża approprjazzjonijiet ta’ pagament li jammontaw għal EUR 3,3 miljun (16) (li jirrappreżentaw approprjazzjonijiet ta’ pagament riportati mill-2010 għall-2011) ukoll jekk EUR 6,3 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament awtorizzati għas-sena finanzjarja attwali kienu għadhom disponibbli (17). B’konsegwenza tal-interpretazzjoni tal-proċedura baġitarja mill-Impriża Konġunta FCH, ir-riżultat baġitarju tas-sena mhuwiex korrett, minħabba li EUR 6,3 miljun (18) f’approprjazzjonijiet ta’ pagament riportati mill-2011 għall-2012 ma ġewx inklużi fil-kalkolu. Barra minn hekk, il-kont tar-riżultat baġitarju għall-2010 ma jirriflettix it-EUR 3,3 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament riportati mill-2010 għall-2011.

20.

Impenji globali mhux użati mill-2010 li ammontaw għal EUR 10,4 miljun u bid-data finali ta’ implimentazzjoni tal-31 ta’ Diċembru 2011, ma kinux diżimpenjati sa tmiem l-2011 imma kienu diżimpenjati f’Jannar 2012.

Sejħiet għal proposti

21.

Is-sejħiet għal proposti organizzati fl-2008, l-2009 u l-2010 rriżultaw fi ftehimiet ta’ għotja ffirmati li ammontaw għal total ta’ EUR 183,4 miljun (19), u fl-2011 tnediet ir-raba’ sejħa għal proposti li ammontat għal EUR 111,6 miljun, li tirrappreżenta 41 % u 25 % rispettivament tal-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta għal attivitajiet ta’ riċerka (20). L-evalwazzjoni tas-sejħa kienet finalizzata fl-2011 u l-proġetti magħżula bħalissa jinsabu fil-proċess ta’ negozjati. F’Jannar 2012 tnediet il-ħames sejħa għal proposti li ammontat għal EUR 79 miljun, 18 % oħra tal-kontribuzzjoni massima tal-UE. Dan juri progress sodisfaċenti fl-implimentazzjoni tal-baġit.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI EWLENIN TAS-SISTEMI TA’ SORVELJANZA U KONTROLL TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

22.

Fi tmiem l-2011, il-proċessi ta’ negozju ta’ bażi kienu ġew ivvalidati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità (21) kif mitlub mir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta. Fir-rapport tagħha, għadd ta’ dgħufijiet (22) ġew identifikati u se jiġu segwiti mill-Uffiċjal tal-Kontabilità fl-2012.

Valutazzjoni annwali tal-livell tal-kontribuzzjoni in natura

23.

Il-metodu għall-evalwazjoni tal-livell ta’ kontribuzzjoni in natura  (23) ġie ffinalizzat (24) u kien ivvalutat b’mod konġunt mis-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) u l-Kapaċità tal-Awditjar Intern (IAC) f’April 2012 (25). Il-livell aggregat tal-kontribuzzjonijiet in natura vvalidati mill-Uffiċjal li Jawtorizza fit-8 ta’ Frar 2012 (id-data ta’ skadenza użata għat-tħejjija tal-Kontijiet Proviżorji 2011) kien ta’ EUR 347,6 miljun. Ir-rapport ta’ valutazzjoni kkonkluda li dan l-ammont għandu jitnaqqas b’EUR 0,93 miljun (26) (jew 0,3 %).

Immaniġġjar tat-teżor

24.

Fi tmiem Diċembru 2011 il-bilanċ fil-kont tal-bank tal-Impriża Konġunta FCH kien ta’ EUR 9,2 miljun (27). Bejn ix-xhur ta’ Awwissu 2011 u Diċembru 2011 il-bilanċ tal-flus tal-Impriża Konġunta FCH varja minn bejn wieħed u ieħor EUR 30 miljun sa EUR 60 miljun. L-Impriża Konġunta mistennija timplimenta l-miżuri kollha neċessarji biex timminimizza l-bilanċi tal-flus miżmuma akkont għal-livelli li huma meħtieġa.

KWISTJONIJIET OĦRAJN

Segwitu tal-osservazzjonijiet preċedenti

25.

Matul l-2011, l-Impriża Konġunta stabbilixxiet Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju u għamlet progress fil-formalizzazzjoni tal-politiki ta’ sigurtà tal-IT. Il-Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju inkluż pjan ta’ rkupru minn diżastru ġie adottat mill-Impriża Konġunta FCH fit-12 ta’ Ġunju 2012.

26.

Ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta għadhom ma ġewx emendati sabiex jinkludu d-dispożizzjoni li tirreferi għas-setgħat tal-Awditur Intern tal-Kummissjoni (28).

27.

Il-Ftehim mal-Istat Ospitanti (29) bejn l-Impriża Konġunta u l-awtoritajiet Belġjani dwar spazji għall-uffiċċji, privileġġi u immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jingħata ġie ffirmat fit-3 ta’ Frar 2012.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija minn Dr Louis GALEA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-13 ta’ Novembru 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta’ Mejju 2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1).

(2)  Is-Seba’ Programm Kwadru, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1), jiġbor flimkien l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka, taħt saqaf wieħed, u jaqdi rwol kruċjali fl-ilħuq tal-għanijiet ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(3)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Huwa jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(4)  Skont l-Artikolu 12(3) tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta, li jistipula li l-“ispejjeż operattivi tal-Impriża Konġunta FCH għandhom jiġu koperti permezz tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni, u permezz tal-kontribuzzjonijiet (in natura) mill-entitajiet legali l-oħra li jipparteċipaw fl-attivitajiet. Il-kontribuzzjoni mill-entitajiet legali parteċipanti għandha mill-inqas tikkorrispondi mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.”

(5)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li jagħti inter alia kont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet b’sommarju tal-informazzjoni dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet bejn il-partiti varji tal-baġit.

(6)  Ir-‘rapporti finanzjarji’ jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rapport tat-tibdil fl-attivi netti u n-noti għar-rapporti finanzjarji li jinkludu deskrizzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(7)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit, ir-rikonċiljazzjoni tiegħu mal-kont tar-riżultat ekonomiku u rapport dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit fl-2011.

(8)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(9)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(10)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(11)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-korpi tal-UE huma stabbiliti fil-Kapitoli 1 u 2 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23), u huma integrati hekk fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH.

(12)  Il-Federazzjoni Internazzjoni tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(13)  L-Artikolu 12(4) tar-Regolament (KE) Nru 521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta jiddikjara li “L-Impriża Konġunta FCH għandha twettaq verifiki fuq il-post u verifiki finanzjarji fost il-benefiċjarji tal-finanzjament pubbliku mill-Impriża Konġunta FCH.” Verifiki ex post jistgħu jidentifikaw nefqiet ineliġibbli kklejmjati mill-benefiċjarji li huma mbagħad suġġetti għal proċeduri ta’ rkupru.

(14)  Sakemm il-verifiki li jkun għad fadal ikunu ġew ikkompletati, mhuwiex xieraq li tiġi kkalkulata rata ta’ żball.

(15)  L-Artikolu 10 tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH jiddikjara li approprjazzjonijiet li ma jkunux intużaw fi tmiem is-sena finanzjarja li għaliha jkunu ddaħħlu għandhom jiġu kkanċellati. Fid-dawl tal-ħtiġijiet tal-Impriża Konġunta, l-approprjazzjonijiet ikkanċellati jistgħu jiddaħħlu fl-estimi tad-dħul u l-infiq sa mhux aktar mit-tliet snin finanzjarji segwenti, f'konformità mal-Artikolu 27.

Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija meħuda mhux iktar tard mill-15 ta’ Frar, huma jistgħu jiġu riportati biss għas-sena finanzjarja li jkun imiss.

(16)  EUR 3,3 miljun ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati għal attivitajiet operazzjonali mill-2010 ddaħħlu fil-baġit permezz tat-tieni emenda tal-baġit adottata mill-Bord ta’ Tmexxija fit-22 ta’ Novembru 2011.

(17)  L-Artikolu 10(4) tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH jiddikjara li l-Impriża Konġunta FCH għandha l-ewwel tuża l-approprjazzjonijiet awtorizzati għas-sena finanzjarja attwali u ma għandhiex tuża l-approprjazzjonijiet riportati sakemm tal-ewwel ma jkunux ġew eżawriti.

(18)  Fil-kontijiet annwali proviżorji għas-sena finanzjarja 2011 hu ddikjarat li approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati mill-operazzjonijiet tal-2011 (EUR 6 267 731) […] jiġu riattivati (riportati) fil-baġit 2012 tal-Impriża Konġunta FCH permezz ta’ emenda tal-baġit […] (Il-kontijiet annwali proviżorji tal-Impriża Konġunta FCH għas-sena finanzjarja 2011, p. 42).

(19)  L-approprjazzjonijiet ta’ impenn jinkludu wkoll l-kontribuzzjonijiet tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li jammontaw għal 2,4 % minn pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru.

(20)  Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta FCH u l-Artikolu 12 tal-Anness tiegħhu, il-kontribuzzjoni massima tal-UE li tkopri l-ispejjeż ta’ ġestjoni u l-attivitajiet ta’ riċerka tal-Impriża Konġunta għandha tkun ta’ EUR 470 miljun, li minnha l-kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta’ ġestjoni ma għandhiex tkun aktar minn EUR 20 miljun. Jekk parti mill-kontribuzzjoni għall-ispejjeż ta’ ġestjoni ma tkunx użata, din tista' ssir disponibbli għall-attivitajiet ta’ riċerka.

(21)  L-Artikolu 43(e) tar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH jistipula li l-Uffiċjal tal-Kontabilità għandu jkun responsabbli għall-istabbiliment u l-validazzjoni tas-sistemi kontabilistiċi.

(22)  Eżempji ta’ dgħufijiet identifikati jinkludu l-ħtieġa li jiġi stabbilit u miżmum reġistru eżawrjenti ta’ impenji legali u l-ħtieġa ta’ iktar segwitu effettiv u sorveljanza tal-implimentazzjoni rapida u korretta ta’ emendi għal impenji legali.

(23)  Kontribuzzjonijiet in natura huma l-ispejjeż eliġibbli li jkunu ġarrbu l-entitajiet legali parteċipanti fl-attivitajiet li mhumiex rimborżati mill-Impriża Konġunta FCH (metodoloġija tal-Impriża Konġunta FCH għal kontribuzzjonijiet in natura).

(24)  L-Artikolu 12(7) tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta FCH jistipula li “(I)l-metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura għandha tiġi ddefinita mill-Impriża Konġunta FCH f’konformità mar-regoli finanzjarji u bbażata fuq ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru.”

(25)  L-Artikolu 12(7) tal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 521/2008 li jistabbilixxi Impriża Konġunta FCH jistipula li l-valutazzjoni għandha titwettaq kull sena finanzjarja minn ‘awditur indipendenti’ u r-riżultati għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni fi żmien erba’ xhur mit-tmien ta’ kull sena finanzjarja.

(26)  L-aġġustament jirriżulta minn tmien proġetti tas-sejħiet għal proposti 2008, fejn ċerti parteċipanti kienu ppreżentaw l-ispejjeż ibbaġitjati tagħhom abbażi ta’ sistema ta’ rata fissa ta’ 60 % għall-kalkolu ta’ spejjeż indiretti minflok ir-rata fissa ta’ 20 % applikabbli għall-Impriża Konġunta FCH (Valutazzjoni annwali tal-livell ta’ kontribuzzjonijiet in natura – Rapport finali).

(27)  Il-bilanċ tal-flus fi tmiem l-2010 ammonta għal EUR 5 miljun.

(28)  Il-paragrafu 20 tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali 2010 tal-Impriża Konġunta FCH (ĠU C 368, 16.12.2011, p. 40).

(29)  Il-paragrafu 20 tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali 2010 tal-Impriża Konġunta FCH.


ANNESS

L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu

Il-kompetenzi u l-attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

L-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE dwar is-Seba' Programm Kwadru – tipprovdi għal kontribut tal-Unjoni għall-istabbiliment ta’ sħubiji pubbliċi-privati fit-tul f'forma ta’ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti li jistgħu jkunu implimentati permezz ta’ Impriżi Konġunti skont it-tifsira tal-Artikolu 187 tat-TFUE.

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(Ir-Regolament (KE) Nru 521/2008 kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 1183/2011)

L-objettivi

L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru u b'mod partikolari t-temi tal-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” għal “Enerġija”, “Nanoxjenzi, Nanoteknoloġiji, Materjali u Teknoloġiji Ġodda tal-Produzzjoni”, “Ambjent (inkluża l-Bidla fil-Klima)”, u “Trasport (inkluża l-Aeronawtika)”.

B'mod partikolari, hi għandha:

(a)

timmira li tpoġġi l-Ewropa fuq quddiem nett tat-teknoloġiji dinjija dwar iċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu u tippermetti lit-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu jippenetraw fis-suq, b'hekk tippermetti lill-forzi tas-suq kummerċjali jmexxu 'l quddiem il-benefiċċji pubbliċi potenzjali sostanzjali;

(b)

tappoġġa r-Riċerka, l-Iżvilupp teknoloġiku u d-Dimostrazzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa RTD) fl-Istati Membri u pajjiżi assoċjati mas-Seba' Programm Kwadru (minn hawn 'il quddiem imsejħa Pajjiżi Assoċjati) b'mod koordinat biex tegħleb il-falliment fis-suq u tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tas-suq u b'hekk tiffaċilita sforzi industrijali addizzjonali lejn utilizzazzjoni mgħaġġla tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu;

(c)

tappoġġa l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet RTD tal-JTI dwar iċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, notevolment bil-ħruġ ta’ għotjiet wara sejħiet kompetittivi għall-proposti;

(d)

timmira li tħeġġeġ iktar investiment pubbliku u privat fir-riċerka tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu fl-Istati Membri u l-Pajjiżi assoċjati.

Il-kompiti

(a)

li tiżgura l-istabbiliment u t-tmexxija effiċjenti tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar iċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu;

(b)

li tintlaħaq il-massa kritika tal-isforz tar-riċerka biex titnissel il-fiduċja fl-industrija, fl-investituri pubbliċi u privati, f'dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-partijiet interessati oħra sabiex jidħlu għal programm fit-tul;

(c)

li tirrendi l-investiment industrijali, nazzjonali u reġjonali fl-RTD aktar effettiv;

(d)

li jiġu integrati r-RTD, u jiffukaw fuq il-ksib ta’ sostenibbiltà fit-tul u miri kompetittivi industrijali dwar l-ispejjeż, ir-rendiment u d-durabbiltà u jingħelbu l-ostakli teknoloġiċi kritiċi;

(e)

li tistimola l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ katini ġodda ta’ valur inklużi l-SMEs;

(f)

li tiffaċilita l-interazzjoni bejn l-industrija, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka inkluża dik dwar riċerka bażika;

(g)

li tippromwovi l-involviment ta’ SMEs fl-attivitajiet tagħha, f'konformità mal-objettivi tas-Seba' Programm Kwadru;

(h)

li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet minn kull Stat Membru u pajjiż assoċjat;

(i)

li twettaq riċerka soċjo-tekniko-ekonomiku fil-wiesgħa biex tivvaluta u timmonitorja l-progress teknoloġiku u l-ostakoli mhux tekniċi għad-dħul fis-suq;

(j)

li twettaq riċerka li ssostni l-iżvilupp ta’ regolamenti u standards ġodda u tirrevedi regolamenti u standards eżistenti sabiex telimina l-ostakoli artifiċjali għad-dħul fis-suq u tappoġġa l-interkambjabbiltà, l-interoperabbiltà, il-kummerċ tal-idroġeni bejn il-fruntieri, u s-swieq tal-esportazzjoni waqt li tiżgura s-sigurtà tal-operat u mhux ixxekkel l-innovazzjoni;

(k)

li twettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni, u biex tipprovdi informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha sabiex ittejjeb l-għarfien pubbliku u toħloq aċċettazzjoni pubblika dwar is-sigurtà tal-idroġenu, u l-benefiċċji mit-teknoloġiji l-ġodda għall-ambjent, għas-sigurtà tal-provvista, għall-ispejjeż tal-enerġija, u għall-impjiegi;

(l)

li tistabbilixxi u timplimenta Pjan ta’ Implimentazzjoni Pluriennali;

(m)

li timpenja l-finanzjament tal-Unjoni u timmobilizza r-riżorsi tas-settur privat u oħrajn tas-settur pubbliku meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha ta’ RTD;

(n)

li tiżgura l-operat tajjeb tal-attivitajiet tal-RTD u ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi;

(o)

li tikkomunika u xxerred l-informazzjoni dwar il-proġetti, inklużi l-ismijiet tal-parteċipanti, ir-riżultati tal-attivitajiet tal-RTD, u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Impriża Konġunta FCH;

(p)

li tinnotifika lill-entitajiet ġuridiċi li jkunu kkonkludew Ftehim ta’ Għotja mal-Impriża Konġunta FCH bl-opportunitajiet ta’ self potenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment, b'mod partikolari l-Faċilità Finanzjarja tal-Qsim tar-Riskju stabbilita taħt is-Seba' Programm Kwadru;

(q)

li tiżgura livell għoli ta’ trasparenza u kompetizzjoni ġusta taħt kundizzjonijiet ta’ aċċess ugwali għall-applikanti kollha għall-attivitajiet RTD tal-Impriża Konġunta FCH, kemm jekk ikunu membri tal-Grupp tar-Riċerka jew tal-Grupp Industrijali (b'mod partikolari SMEs) u kemm jekk le;

(r)

li ssegwi l-iżviluppi internazzjonali fil-qasam u li tidħol f'kooperazzjoni internazzjonali meta jkun xieraq;

(s)

li tiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib u tiżgura koordinazzjoni mal-Programm Kwadru ta’ Riċerka u attivitajiet oħra Ewropej, nazzjoni (nazzjonali) u transnazzjonali, korpi u partijiet interessati;

(t)

li ssegwi l-progress lejn l-objettivi tal-Impriża Konġunta FCH;

(u)

li twettaq kull attività oħra meħtieġa biex tilħaq l-objettivi tagħha.

It-tmexxija

Il-korpi tal-Impriża Konġunta FCH huma:

(a)

il-Bord ta’ Tmexxija;

(b)

id-Direttur Eżekuttiv;

(c)

il-Kumitat Xjentifiku

Il-Bord ta’ Tmexxija

Il-Bord ta’ Tmexxija huwa l-korp ewlieni li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Impriża Konġunta FCH.

Id-Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv huma responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta u huwa r-rappreżentant legali tagħha. Għandu jirrispondi lill-Bord ta’ Tmexxija.

Il-Kumitat Xjentifiku

Il-Kumitat Xjentifiku - Magħmul minn mhux iktar minn disa' membri li jirriflettu rappreżentazzjoni bilanċjata ta’ esperti tal-aqwa livell dinji mill-kamp tal-akkademja, mill-industrija u mill-korpi regolatorji. Il-kompiti tiegħu huma li:

(a)

jagħti parir dwar il-prijoritajiet xjentifiċi għall-proposta ta’ Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Annwali u Pluriennali;

(b)

jagħti parir dwar il-kisbiet xjentifiċi deskritti fir-rapport tal-attività annwali;

(c)

jagħti parir dwar il-kompożizzjoni tal-kumitati ta’ reviżjoni tal-esperti ugwali fil-qasam.

Il-korpi konsultattivi esterni għall-Impriża Konġunta FCH huma:

Il-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati FCH u l-Assemblea Ġenerali tal-Partijiet Interessati

Il-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati FCH

Dan huwa magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u kull Pajjiż assoċjat. Il-kompiti l-aktar importanti tiegħu jinkludu l-għoti ta’ opinjonijiet dwar il-progress fil-programmi tal-Impriża Konġunta FCH, il-monitoraġġ tal-konformità u r-rispett tal-miri u l-koordinazzjoni ma’ programmi nazzjonali biex jiġi evitat it-trikkib.

L-Assemblea Ġenerali tal-Partijiet Interessati

L-SGA hija mezz ta’ komunikazzjoni importanti dwar attivitajiet tal-Impriża Konġunta FCH u b'hekk hija miftuħa għall-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha, gruppi ta’ interess internazzjonali mill-Istati Membri, mill-pajjiżi assoċjati kif ukoll mill-pajjiżi terzi. Din titlaqqa' darba fis-sena. L-SGA għandha tkun infurmata dwar l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta FCH u tkun mistiedna tagħti l-kummenti.

L-awdituri interni u esterni u l-awtorità ta’ kwittanza tal-Impriża Konġunta FCH huma:

Il-Verifika Interna

Il-Maniġer tal-Verifika Interna tal-Impriża Konġunta FCH (jiġifieri l-Kapaċità ta’ Verifika Interna jiġifieri IAC);

is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (jiġifieri IAS).

Il-Verifika Esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

L-Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2011

Il-baġit

EUR 117,2 miljun f'Approprjazzjonijiet ta’ Impenn li minnhom EUR 113,1 miljun huma ffinanzjati mill-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-operazzjonijiet (hemm ippjanata kontribuzzjoni ekwivalenti in natura minn membri privati tal-industrija) u EUR 4 miljun għall-ispejjeż ta’ ġestjoni.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2011

18-il kariga għal persunal temporanju fit-tabella tal-persunal (imtlew kollha)

2 karigi għal persunal b'kuntratt (imtlew kollha)

Allokati lil:

Attivitajiet operazzjonali: 6

Attivitajiet amministrattivi: 7

Kompiti mħallta: 7

Il-kisbiet ewlenin għall-2011

Ir-reviżjoni tal-Pjan Pluriennali ta’ Implimentazzjoni (MAIP), adottat mill-Bord ta’ Tmexxija fit-22 ta’ Novembru 2011

L-abbozzar tal-prijoritajiet RTD u s-suġġetti ta’ sejħiet (call topics) 2011 (36) b'finanzjament indikattiv tal-Impriża FCH ta’ EUR 109 miljun

L-abbozzar tal-prijoritajiet RTD u s-suġġetti ta’ sejħiet (call topics) 2012 (31) b'finanzjament indikattiv tal-Impriża FCH ta’ EUR 77.5 miljun

Il-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-proposti 2011 f'Mejju bi skadenza għas-sottomissjoni f'Awwissu 2011

L-evalwazzjoni tas-sejħa għall-proposti 2011 f'Settembru 2011 bi preparazzjoni ta’ lista ta’ proġetti li għandhom jinbdew negozjati għalihom; lista li għandha titressaq lill-Bord għall-approvazzjoni f'Novembru 2011 (30); Negozjati nbdew fit-28 ta’ Novembru 2011

L-innegozjar tas-sejħa tal-2010 għall-proposti magħżulin wara l-approvazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija u l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ għotjiet relatati (26)

L-iżvilupp tal-koperazzjoni internazzjonali mas-sħab ewlenin (l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġappun u l-Korea). Suġġett wieħed fis-sejħa tal-2012 bi kriterju ta’ eliġibbilta addizjonali ta’ konnessjoni ma’ proġett iffinanzjat mid-Dipartiment tal-Enerġija (l-Istati Uniti tal-Amerika)

L-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati (sessjonijiet ta’ informazzjoni)

Il-kooperazzjoni mar-Reġjuni Ewropej (permezz ta’ HyRaMP)

Il-kooperazzjoni maċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) fil-livell ta’ proġett u programm. L-allinjament tal-attivitajiet permezz ta’ Pjan ta’ Ħidma Konġunta ffokat fuq il-kejl, l-immappjar teknoloġiku u l-parir strateġiku. L-Assemblea Ġenerali tal-Partijiet Interessati li saret fit-22-23 ta’ Novembru 2011 flimkien mal-ewwel jum ta’ Analiżi tal-Programm bi kważi 400 parteċipant u attivitajiet oħrajn ta’ komunikazzjoni, li ffokat fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji FCH b'mod partikolari fis-settur tat-trasport.

Kisbiet ewlenin oħra:

It-trasferiment għal bini ġdid (flimkien mal-erbgħa Impriżi Konġunti l-oħra f'nofs Jannar 2011

L-ewwel evalwazzjoni interim tal-Impriża Konġunta FCH

Il-validazzjoni tas-sistema ta’ kontabilità mill-Uffiċjal tal-Kontabilità fil-21 ta’ Novembru 2011

L-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1183/2011 li jemenda r-regolament li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu

L-ewwel klejms għal spejjeż irċevuti u ttrattati

L-ewwel verifiki ex post imnedija

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA (IK) FCH GĦALL-OSSERVAZZJONIJIET IMQAJMA MILL-QORTI

Точка 15 u 16

L-Impriża Konġunta FCH stabbiliet strateġija ta’ kontroll ta’ natura multiannwali li tgħaqqad flimkien kontrolli ex-ante u ex-post u tqis l-aspetti tal-kosteffiċjenza. Verifiki ex-post huma komponent ewlieni tas-sistema ta’ kontroll intern globali u jirrappreżentaw wieħed mill-elementi ewlenin li jsostnu d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv. Sabiex tindirizza b'mod xieraq il-ħtiġijiet tal-kontroll u tal-assigurazzjoni tagħha, l-Impriża Konġunta FCH nediet l-ewwel verifiki ex-post immedjatament wara li l-ewwel pretensjonijiet tal-ispejjeż ġew riċevuti u vvalidati mill-Impriża Konġunta fl-2011.

L-Impriża Konġunta FCH tilqa' l-konklużjoni pożittiva tal-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet kollha li fuqhom huma bbażati l-kontijiet bl-unika eċċezzjoni ta’ tranżazzjonijiet relatati mal-validazzjoni ta’ pretensjonijiet għall-ispejjeż. Fl-opinjoni tal-Impriża Konġunta FCH, l-aspetti li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-konklużjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti inġenerali u fuq il-pretensjonijiet ta’ spejjeż validati fl-2011, b'mod partikolari:

Il-ħin, it-tip ta’ pagamenti u l-piż tagħhom: L-ewwel dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż li ġew riċevuti u vvalidati mill-Impriża Konġunta fl-2011 biss. EUR 4,6 miljun f’pagamenti interim tħallsu fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż validati. Dan jirrappreżenta 8 % (1) tat-total tal-pagamenti ta’ EUR 56,7 miljun tal-2011.

L-effikaċja tas-sistema tal-kontroll intern tal-Impriża Konġunta FCH: Fl-2011, ingħatat prova tal-effikaċja tas-sistema ta’ kontroll tal-Impriża Konġunta. Il-Qorti ma rrapportat l-ebda żball lill-Impriża Konġunta dwar l-aspetti tal-legalità u r-regolarità bħala riżultat tal-ittestjar tagħha stess tat-tranżazzjonijiet. L-iżbalji msemmija mill-Qorti nstabu mis-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta stess (jiġifieri verifiki ex-post).

L-impatt tal-iżbalji naturali u finanzjarji misjuba: 97 % (fil-valur) tal-iżbalji misjuba mill-Impriża Konġunta huma riżultat ta’ verifika waħda biss ta’ benefiċjarju ġdid, li ma kienx familjari mar-regoli tal-Impriża Konġunta FCH, u huma dovuti għal interpretazzjoni ħażina tar-regoli ta’ eliġibbiltà. Billi l-ispiża totali ddikjarata b’mod eċċessiv mill-benefiċjarju tammonta għal EUR 764 000, l-impatt finanzjarju tal-iżbalji misjuba, meta wieħed iqis il-kontribuzzjoni fi flus kontanti tal-Impriża Konġunta - (jiġifieri ħlas eċċessiv), hi ħafna inqas (EUR 177 971).

Azzjonijiet korrettivi: Kull żball misjub mill-Impriża Konġunta ġie aċċettat mill-benefiċjarji u 98 % (fil-valur) minnhom ġew ikkoreġuti mill-Impriża Konġunta, kif rikonoxxut mill-Qorti.

Kopertura tal-verifika: Verifiki ex-post imnedija mill-Impriża Konġunta fl-2011 koprew 43 % (fil-valur) tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż ivvalidati matul dik is-sena. Minn Settembru 2012, il-verifiki kompletati irrappreżentaw 27 % tal-pretensjonijiet tal-ispejjeż ivvalidati kif ġie ddikjarat mill-Qorti

Miżuri preventivi u ta’ kxif: l-Impriża Konġunta FCH implimentat miżuri sabiex jipprevjenu żbalji finanzjarji fir-rapportar tal-ispejjeż billi tejbet l-għarfien fi ħdan il-benefiċjarji tal-qafas regolatorju. S'issa ġew organizzati tliett kampanji ta’ komunikazzjoni indirizzati lill benefiċjarji tal-Impriża Konġunta FCH u ġew ippubblikati gwidi tal-Impriża Konġunta FCH fuq kwistjonijiet finanzjarji u ta’ kontroll/verifika. Il-kontrolli ex-ante tal-Impriża Konġunta FCH ġew imsaħħa wkoll sabiex jippermettu sejbien ogħla u korrezzjoni ta’ żbalji qabel il-validazzjoni tal-pretensjonijiet għall-ispejjeż.

Mingħajr ma tixħet dubju fuq id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti, l-Impriża Konġunta FCH tinnota li meta tikkunsidra l-effikaċja tal-kontrolli interni tal-Impriża Konġunta fis-sejbien ta’ żbalji, il-kopertura għolja ta’ verifiki ex-post, il-korrezzjonijiet implimentati mill-Impriża Konġunta fuq 98 % tal-iżbalji misjuba u l-piż baxx tal-pagamenti interim fir-rigward tal-pagamenti totali, l-ammont f'riskju (jiġifieri żball potenzjali li ma jinstabx fil-pretensjonijiet għall-ispejjeż ivvalidati) huwa relattivament limitat fir-rigward tal-pagamenti totali li saru u n-nefqa operattiva totali li saret fl-2011.

Точка 19

L-Impriża Konġunta FCH stabbilixxiet proċedura għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 10.1 paragrafu 1 u l-Artikolu 11 tar-Regoli Finanzjarji tagħha li tippermetti lill-Impriża Konġunta FCH sabiex iddaħħal approprjazzjonijiet ikkanċellati fil-baġit tagħha sat-tliet snin finanzjarji li ġejjin. L-Impriża Konġunta FCH s’issa ma użatx il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 10.1 paragrafu 2 li tagħmel riportazzjoni għas-sena finanzjarja li jmiss (bl-eċċezzjoni ta’ C4 u C5) u konsegwentement l-Artikolu 10.1 paragrafu 2 u u l-Artikoli 10.2 sa 10.7 ma japplikawx fil-każ speċifiku.

L-Impriża Konġunta FCH applikat b'mod konsistenti l-proċedura tagħha għall-implimentazzjoni tar-regoli finanzjarji tagħha, b'mod partikolari d-deroga mogħtija mill-Kummissjoni fis-sens sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet tal-Impriża Konġunta FCH.

Точка 20

L-Impriża Konġunta FCH tirrikonoxxi li d-diżimpenji kellhom jitwettqu sal-31.12.2011 u li l-ommissjoni ġiet ikkoreġuta f’Jannar 2012. Monitoraġġ tal-baġit u l-applikazzjoni tal-proċedura ta’ tmiem is-sena aktar stretti għandhom jevitaw ripetizzjoni ta’ ommissjoni simili

Точка 22

Il-maniġment tal-Impriża Konġunta FCH iddefinixxa pjan ta’ azzjoni sabiex jindirizza n-nuqqasijiet u minn Ottubru 2012 il-maġġoranza tal-azzjonijiet ikunu kompletament jew parzjalment implimentati

Точка 23

Il-korrezzjoni saret.

Точка 24

Il-bilanċ fi flus kontanti tal-Impriża Konġunta FCH kien bejn EUR 4 miljuni fl-1 ta’ Awwissu 2011 u EUR 60 miljun fil-11 ta’ Ottubru 2011 bil-bilanċ tal-għeluq ikun ta’ 9 miljuni fil-31 ta’ Diċembru 2011. L-Impriża Konġunta FCH qed timplimenta l-miżuri kollha sabiex tottimizza l-likwidità tagħha fil-limiti tal-ftehimiet ta’ finanzjament.

Точка 26

Ir-regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH sejrin jiġu emendati bix-xieraq sabiex jirriflettu l-emendi kollha neċessarji meħtieġa mir-"Regolament Finanzjarju Mudell għall-korpi ta’ sħubija pubbliċi-privati" meta jiġi adottat. Sadanittant, kif rikonoxxut mill-Qorti fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet tal-2012, l-irwoli rispettivi tal-Awditur Intern tal-Kummissjoni (IAS) u tal-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Impriża Konġunta FCH (IAC) ġew definiti u approvati mill-Bord tat-Tmexxija f'Marzu 2011. "Pjan tal-awditu strateġiku għall-2011-2013 kordinat bejn l-IAS-IAC" kien approvat mill-Bord Mejju 2011 u dan qed jiġi implimentat.


(1)  11 % meta wieħed iqis il-ħlasijiet interim (EUR 4,6 miljun) u prefinanzjamenti approvati matul l-2011 (EUR 1,6 miljun).