ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.393.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 393

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
19 ta' Diċembru 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2012/C 393/01

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar il-litteriżmu

1

2012/C 393/02

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ f'Ewropa 2020 — il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u l-impjiegi

5

2012/C 393/03

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar Governanza Kulturali

8

2012/C 393/04

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2012 dwar strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal

11

2012/C 393/05

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fis-27 ta’ Novembru 2012 dwar il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ b'enfasi fuq dawk li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni

15

2012/C 393/06

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2012 dwar it-tisħiħ tal-bażi ta' evidenza għat-tfassil tal-politika dwar l-isport

20

2012/C 393/07

Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, fis-27 ta' Novembru 2012 dwar il-promozzjoni tal-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa (HEPA)

22

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/1


Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar il-litteriżmu

2012/C 393/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WARA LI KKUNSIDRA:

1.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020") (1), li jistabbilixxu l-għan li jitnaqqas is-sehem ta' dawk li għandhom livelli baxxi ta' ħiliet bażiċi (ħiliet fil-qari, il-matematika u x-xjenza).

2.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2011 dwar aġenda Ewropea mġedda għat-tagħlim għall-adulti (2), li għandha l-għan li ttejjeb il-livelli ta' litteriżmu u ta' ħiliet fin-numri tal-adulti u twessa' l-għoti ta' tagħlim lil Ewropej bi ftit kwalifiki.

U WAQT LI JFAKKAR B'MOD PARTIKOLARI:

Fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2010 dwar iż-żieda fil-livell tal-ħiliet bażiċi fil-kuntest tal-kooperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel għas-seklu 21 (3), li affermaw mill-ġdid l-impenn tal-Istati Membri fil-kuntest tal-isforzi ta' riforma tagħhom li jindirizzaw it-tfassil tal-kurrikulu u l-promozzjoni tal-litteriżmu fil-kurrikulu, fil-livelli kollha ta' edukazzjoni; li jrawmu l-motivazzjoni għall-qari, b'mod partikolari fost is-subien; li jeżaminaw l-influwenza ta' teknoloġiji ġodda fuq il-qari tat-tfal biex jiġi sfruttat il-potenzjal ta' tali teknoloġiji għal forom ġodda ta' tagħlim; li jagħtu aktar appoġġ lil qarrejja batuti u studenti bi sfond ta' migrazzjoni; li jsaħħu l-edukazzjoni tal-għalliema relatata mal-kisba tal-litteriżmu fil-qari, u li jirrinfurzaw l-etos tal-iskola.

FILWAQT LI JIDDEFINIXXI:

Il-litteriżmu bħala li jinkludi kemm il-kompetenzi fil-qari kif ukoll fil-kitba għall-fehim, l-użu u l-evalwazzjoni kritika ta' forom differenti ta' informazzjoni, inklużi t-testi u immaġini miktubin, stampati u elettroniċi, u li jkopru l-litteriżmu minimu, funzjonali u multiplu (4).

FILWAQT LI JILQA':

Ir-rapport tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli tal-UE dwar il-litteriżmu (5), li jistabbilixxi l-evidenza ewlenija dwar l-istat tal-prestazzjoni tal-litteriżmu fl-UE u li jappella għal azzjoni sabiex jittejbu l-livelli tal-litteriżmu fl-Unjoni kollha.

FID-DAWL TA':

Il-konferenza tal-Presidenza "Litteriżmu għal Kulħadd" li saret f'Nikosija fil-5 u s-6 ta' Settembru 2012, li fiha ġew ippreżentati għall-ewwel darba s-sejbiet tal-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli,

u l-laqgħa ministerjali informali li saret f'Nikosija fl-4 u l-5 ta' Ottubru 2012, li fiha ġew diskussi kwistjonijiet tal-litteriżmu mill-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE.

JINNOTA LI:

1.

Il-litteriżmu huwa kompetenza kruċjali tal-ħajja li tagħti s-setgħa liċ-ċittadin individwali biex jiżviluppa l-kapaċitajiet ta' riflessjoni, espressjoni orali, ħsieb kritiku u empatija, filwaqt li tagħti spinta lill-iżvilupp personali, il-kunfidenza fih innifsu, is-sens ta' identità u l-parteċipazzjoni sħiħa f'soċjetà u ekonomija diġitali u tal-għarfien.

2.

Livelli baxxi ta' litteriżmu jżommu lill-ekonomija lura u jnaqqsu s-sostenibbiltà tagħha. Il-vantaġġi ekonomiċi għall-Istati Membri li tintlaħaq il-mira tal-UE li titnaqqas il-prestazzjoni baxxa fil-qari ta' dawk li għandhom 15-il sena għal anqas minn 15 % jistgħu jkunu konsiderevoli.

3.

Il-livelli ta' litteriżmu għadhom staġnati fil-parti l-kbira tal-pajjiżi Ewropej u mhux anqas minn 1,1 miljun ta' dawk li għandhom 15-il sena (jiġifieri persuna minn kull ħamsa) għandhom livelli ta' litteriżmu inadegwati (6).

4.

Il-litteriżmu huwa l-bieb għal aktar tagħlim. L-indirizzar tal-livelli baxxi ta' litteriżmu huwa mod effettiv kif jiġu miġġielda l-għeruq tal-problema tat-tluq bikri mill-iskola, il-qgħad u l-parteċipazzjoni limitata fit-tagħlim tul il-ħajja għall-persuni bi ftit kwalifiki.

5.

Iż-żieda tad-diġitalizzazzjoni tirrikjedi standards dejjem ogħla ta' litteriżmu, inkluż il-ħila li wieħed janalizza testi b'mod kritiku, jittratta bosta forom ta' test, jiddeċifra immaġini u jqabbel u jintegra partijiet diversi ta' informazzjoni. Barra minn hekk, in-netwerks medjatiċi soċjali żiedu l-importanza u l-viżibbiltà tal-ħiliet fil-kitba.

6.

Jeżisti distakk kbir fl-eżiti tat-tagħlim fil-pajjiżi Ewropej kollha bejn studenti ekonomikament vantaġġati u dawk żvantaġġati. F'ħafna pajjiżi tal-UE l-istudenti fil-faxxa tal-qiegħ tal-istatus soċjali għadhom sentejn jew saħansitra tliet snin lura mill-istudenti li ġejjin mill-faxxa ta' fuq nett, filwaqt li f'xi pajjiżi l-istudenti żvantaġġati għandhom tendenza li jitqiesu bħala illitterati funzjonali mill-età ta' 15-il sena.

7.

Hemm distakk sinifikanti u dejjem akbar bejn il-prestazzjoni tas-subien u tal-bniet fil-qari kif imkejla fl-età ta' 15-il sena, ekwivalenti għal madwar sena bejniethom, li l-kawża warajha hija dik ta' motivazzjoni.

8.

Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, f'xi każijiet hemm appoġġ insuffiċjenti għat-titjib tal-ħiliet bażiċi u għall-fehim tal-importanza tal-litteriżmu fir-rigward tal-ħiliet fix-xogħol.

JAQBEL LI:

1.

Il-litteriżmu mhuwiex biss kwistjoni edukattiva, imma wkoll waħda personali, ekonomika, kulturali u soċjali. Għal dan il-għan, u sabiex tinħoloq sjieda wiesgħa, jeħtieġ li jiġu involuti firxa ta' atturi fis-soċjetà — inklużi n-negozji, il-mezzi tal-informazzjoni, l-NGOs, l-imsieħba soċjali, il-fornituri tat-tagħlim mhux formali, l-istituzzjonijiet kulturali, kif ukoll is-servizzi soċjali, tal-impjiegi u tas-saħħa fil-livell lokali — f'kull inizjattiva biex jittejbu l-livelli ta' litteriżmu.

2.

Il-ħolqien ta' ambjent ta' litteriżmu biex jiġi promoss il-qari u tittejjeb il-prestazzjoni fil-litteriżmu jirrikjedi aktar disponibbiltà ta' materjal differenti tal-qari fl-iskejjel, fil-libreriji u ċ-ċentri medjatiċi, iżda wkoll f'postijiet mhux konvenzjonali, kif ukoll fid-dar, u jeħtieġ aktar appoġġ lill-familji sa minn età bikrija ħafna. Jeħtieġ li l-ġenituri jsiru aktar konxji dwar il-kwistjoni u r-rwol kruċjali li l-ġenituri jista' jkollhom fit-titjib tal-ħiliet ta' litteriżmu tat-tfal u fl-appoġġ tal-motivazzjoni u l-involviment fil-qari, kemm fit-tfulija bikrija kif ukoll matul l-edukazzjoni skolastika tat-tfal.

3.

Huwa urġenti li tiżdied l-effettività tal-miżuri meħuda fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE bil-għan li jittejjeb il-litteriżmu fost it-tfal u l-adulti, b'mod partikolari dawk bi sfond soċjoekonomikament żvantaġġat. Hemm evidenza li turi li l-programmi ta' litteriżmu fil-familja huma kosteffiċjenti u effettivi ħafna.

4.

Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u l-indukrar fit-tfulija bikrija ta' kwalità għolja u li tipprovdi żvilupp u stimolu tal-lingwa bbażati fuq il-logħob immexxija minn persunal kwalifikat hija essenzjali biex jitnaqqsu d-distakki soċjoekonomiċi u biex it-tfal żgħar jingħataw pedament sod għal aktar tard fil-ħajja.

5.

Il-persunal u l-għalliema primarji fl-edukazzjoni u l-indukrar fit-tfulija bikrija għandu jkollhom il-kompetenzi meħtieġa biex jidentifikaw u jittrattaw id-diffikultajiet fil-lingwa u fit-tagħlim fi stadju bikri.

6.

Jeħtieġ, fejn adatt, li jissaħħu l-kompetenzi pedagoġiċi tal-għalliema fl-iskejjel primarji fit-tagħlim tal-qari u l-kitba, pereżempju fl-użu pedagoġiku tal-ICT. Barra minn hekk, l-appoġġ għall-għalliema fl-iskejjel sekondarji biex jgħallmu l-litteriżmu fis-suġġetti kollha u, fejn rilevanti, jippromwovu l-aċċess għal konsulenza esperta lill-għalliema kollha, jgħin biex jiġi kkonsolidat u jinkiseb aktar progress.

7.

L-impatt ta' teknoloġiji ġodda fuq il-litteriżmu għadu ma ġiex sfruttat għalkollox mis-sistemi edukattivi. Ir-rieżami tal-materjal u l-metodi tat-tagħlim fid-dawl tad-diġitalizzazzjoni li qed tiżdied, u l-appoġġ lill-għalliema fl-użu ta' pedagoġiji ġodda jista' jsaħħaħ il-motivazzjoni ta' dawk li jitgħallmu.

8.

Għandha tiġi inkoraġġuta l-valutazzjoni tal-lingwa u tal-litteriżmu għal migranti tfal u adulti, li jkunu għadhom kif jaslu, fil-lingwa/i tal-pajjiż ta' residenza, flimkien ma' appoġġ aktar individwalizzat għal gruppi bħal dawn. Jista' jiġi pprovdut ukoll appoġġ fil-lingwa tal-oriġini, fejn dan jitqies adatt, u skont kemm jippermettu r-riżorsi.

9.

Kurrikulu tal-litteriżmu aktar koerenti, inklużi l-integrazzjoni tal-litteriżmu fil-kurrikulu kollu tal-iskejjel u l-iżvilupp ta' kurrikulu tal-litteriżmu tal-adulti, għandhom jiġu appoġġati minn standards distinti marbuta mal-età u għodod ta' valutazzjoni, flimkien ma' assigurazzjoni ta' kwalità effettiva.

10.

Il-monitoraġġ tal-livelli ta' ħiliet fil-popolazzjoni adulta u l-involviment tan-negozji, il-mezzi tal-informazzjoni, l-NGOs, l-imsieħba soċjali, l-istituzzjonijiet kulturali, kif ukoll is-servizzi soċjali, tal-impjiegi u tas-saħħa fil-livell lokali, għandhom ikunu l-bażi tal-istrateġiji maħsubin biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni għall-problemi ta' litteriżmu fis-soċjetà inġenerali.

11.

Id-diversifikazzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-provvista tal-litteriżmu lill-adulti jirrikjedi taħriġ pedagoġiku apposta għall-għalliema tal-litteriżmu lill-adulti; kurrikulu marbut mill-qrib mal-ħiliet rilevanti tal-impjieg u appoġġat minn materjal adatt; tul u intensità adegwati tal-korsijiet; appoġġ fl-ICT u metodi ta' valutazzjoni.

GĦALDAQSTANT JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

1.

Jiżguraw bażi ta' evidenza effettiva permezz tal-monitoraġġ u tal-ġbir tad-data, billi jagħmlu użu massimu mir-riżorsi eżistenti, bħalma huma l-istħarriġ tal-PISA u tal-PIAAC.

2.

Jiżviluppaw approċċi għat-titjib tal-litteriżmu li jikkombinaw kontribut speċifiku mill-atturi u l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet rilevanti kollha, kemm edukattivi kif ukoll dawk li mhumiex, bħala parti minn strateġiji usa' għall-ħiliet; u, fejn rilevanti, isaħħu l-kooperazzjoni fl-inizjattivi dwar il-litteriżmu bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tal-għalliema, tal-ġenituri u tal-istudenti adulti.

3.

Jinkoraġġixxu l-adozzjoni ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni bbażati b'mod mifrux sabiex iżommu l-kwistjoni tal-litteriżmu fix-xena pubblika u biex jegħlbu t-tabù ta' ħiliet baxxi fil-litteriżmu fl-etajiet kollha. B'mod partikolari, min iħaddem jista' jsir aktar konxju mill-vantaġġi motivazzjonali u ekonomiċi tat-titjib tal-ħiliet fil-litteriżmu tal-impjegati tagħhom, u jiġi inkoraġġut jieħu azzjoni adatta.

4.

Jippromwovu l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' litterizmu fil-familja, b'mod partikolari fil-każ tal-familji soċjoekonomikament żvantaġġati, biex il-ġenituri u membri oħrajn tal-familja jingħataw appoġġ fit-titjib kemm tal-ħiliet fil-qari tagħhom stess kif ukoll ta' dawk tat-tfal tagħhom.

5.

Jippromwovu aċċess ugwali għall-edukazzjoni u l-indukrar tat-tfulija bikrija ta' kwalità għolja bħala kontribut essenzjali għat-tnaqqis tad-distakki soċjoekonomiċi.

6.

Janalizzaw il-materjal u l-metodi ta' tagħlim fid-dawl ta' diġitalizzazzjoni dejjem akbar, sabiex jappoġġaw il-motivazzjoni ta' dawk li jitgħallmu, u jużaw aktar ir-riżorsi tat-tagħlim mhux formali. Jippromwovu l-iżvilupp ta' software għall-iskejjel, sabiex jgħinu lill-għalliema joħolqu approċċi ġodda lejn it-titjib tal-litteriżmu.

7.

Jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' linji gwida ċari dwar il-kompetenzi li għandhom bżonn l-għalliema biex jgħallmu l-qari u l-kitba, kemm fl-iskejjel kif ukoll lill-istudenti adulti, bil-promozzjoni ta' approċċi għat-tagħlim individwalizzati bi tweġiba għal ħtiġijiet speċifiċi.

8.

Jissensibilizzaw lill-għalliema u jiżguraw li fosthom ikun hemm l-għarfien adatt tal-bażi teoretika tat-tagħlim tal-litteriżmu, biex dawn ikunu jistgħu jidentifikaw u jittrattaw id-diffikultajiet tal-istudenti tagħhom fil-qaru u l-kitba; u jippromwovu d-disponibbiltà ta' konsulenza esperta u, fejn adatt, tal-appoġġ ta' għalliema speċjalizzati.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1.

Jirrappurtaw dwar l-azzjonijiet tagħhom biex jitjiebu l-livelli ta' litteriżmu fl-etajiet kollha u, fejn possibbli, dwar l-impatt ta' dawk l-azzjonijiet fir-Rapport Konġunt li jmiss tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET2020") fl-2015.

2.

Jużaw l-azzjonijiet rilevanti kollha tal-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja attwali u l-programm futur tal-UE fl-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll ir-riżorsi tal-Fond Soċjali Ewropew, biex jappoġġaw u jxerrdu approċċi innovattivi għat-titjib tal-kisba tal-litteriżmu fl-UE kollha, u jsaħħu l-bażi tal-evidenza għat-tfassil futur tal-politika. Mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, jappoġġaw aktar azzjonijiet strateġiċi u transettorjali fil-litteriżmu taħt il-programm futur tal-UE dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, sabiex jistimulaw l-innovazzjoni u jtejbu l-effettività tal-miżuri politiċi.

3.

Jiżguraw, fejn adatt, li l-kwistjonijiet dwar il-litteriżmu jkunu koperti b'mod adegwat fil-proċess tal-Ewropa 2020.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1.

Tappoġġa l-kooperazzjoni Ewropea fi kwistjonijiet tal-litteriżmu, b'mod partikolari bl-iżvilupp ta' netwerk Ewropew ta' organizzazzjonijiet li jaħdmu f'dan il-qasam fl-Istati Membri, bil-ħsieb li tippromwovi kooperazzjoni transnazzjonali u tappoġġa l-iżvilupp ta' politiki nazzjonali ta' litteriżmu; u torganizza, flimkien mal-Istati Membri interessati, ġimgħa msemmija L-Ewropa Tħobb Taqra bil-għan li toħloq sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku dwar kwistjonijiet tal-litteriżmu fl-UE kollha.

2.

Tippreżenta rapport rigward il-kooperazzjoni fil-politika dwar il-ħiliet bażiċi fl-2013, li jiddeskrivi l-politika effettiva għat-tnaqqis tal-proporzjon ta' dawk b'livell baxx fil-litteriżmu, il-matematika u x-xjenza fl-ispettru kollu tat-tagħlim tul il-ħajja, u li jenfasizza l-ħiliet u l-kompetenzi kemm fil-qari kif ukoll fil-kitba.

3.

Tiżgura li l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar l-ICT fl-edukazzjoni, kif ukoll fil-qasam taż-żgħażagħ, jindirizzaw b'mod sħiħ l-isfidi u l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda b'rabta mal-litteriżmu.

4.

Tiffaċilita l-identifikazzjoni, l-analiżi u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-inizjattivi politiċi li jtejbu l-prestazzjoni fil-litteriżmu permezz tal-mezzi adatti kollha, inklużi l-istrumenti disponibbli skont il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u l-paġna l-ġdida tal-litteriżmu fis-sit elettroniku Europa.

5.

Tuża l-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ perijodiku biex tipprovdi data u analiżi komparattivi dwar il-progress lejn il-parametru referenzjarju tal-"ET2020" dwar il-ħiliet bażiċi u ssaħħaħ il-bażi tal-evidenza għat-tfassil tal-politika dwar il-litteriżmu.

6.

Tuża l-qafas il-ġdid għall-kooperazzjoni mal-OECD (7) fil-qasam tal-edukazzjoni biex issaħħaħ id-disponibbiltà tal-monitoraġġ u l-ġbir tad-data nazzjonali.


(1)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(2)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 1.

(3)  ĠU C 323, 30.11.2010, p. 11.

(4)  Litteriżmu minimu: L-għarfien tal-ittri, il-kliem, l-istrutturi tat-test li huwa meħtieġ biex wieħed jaqra u jikteb f'livell li jippermetti kunfidenza fih innifsu u motivazzjoni għal aktar żvilupp.

Litteriżmu funzjonali: Il-kapaċità li wieħed jaqra u jikteb f'livell li jippermetti li xi ħadd jiżviluppa u jaħdem fis-soċjetà, id-dar, l-iskola u fuq ix-xogħol.

Litteriżmu multiplu: Il-kapaċità li wieħed juża ħiliet ta' qari u kitba sabiex jipproduċi, jifhem, jinterpreta u jevalwa b'mod kritiku informazzjoni bil-miktub. Huwa bażi għall-parteċipazzjoni diġitali u biex wieħed jagħmel għażliet infurmati li jirrigwardaw il-finanzi, is-saħħa, eċċ.

(5)  http://ec.europa.eu/education/literacy/what-eu/high-level-group/documents/literacy-final-report_en.pdf

(6)  Għall-fini ta' dan it-test, il-livelli ta' litteriżmu inadegwati tfisser ħiliet fil-qari fil-livell 1 jew inqas fil-PISA, li huma ekwivalenti għall-kapaċità li wieħed juża l-aktar ħiliet bażiċi fil-qari bħad-dekodifikazzjoni tal-kliem u l-kitba ta' frażijiet sempliċi. L-istudenti f'dan il-livell m'għandhomx il-kapaċità li jqabblu, jikkontrastaw, jikkategorizzaw, jintegraw jew jevalwaw l-informazzjoni, li jittrattaw testi twal, kumplessi, f'kompetizzjoni jew li mhumiex familjari, li jagħmlu inferenzi, ipoteżi jew li jittrattaw test b'mod kritiku.

(7)  Għandu jiġi żgurat id-dritt tal-parteċipazzjoni fil-ħidma ta' din l-organizzazzjoni għall-Istati Membri kollha.


19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/5


Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ f'Ewropa 2020 — il-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u l-impjiegi

2012/C 393/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FIL-KUNTEST TA':

L-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

L-istrateġija Ewropa 2020, u b'mod partikolari l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2012 u r-rakkomandazzjonijiet tal-2012 speċifiċi għall-pajjiż;

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxu qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għall-perijodu sal-2020 (“ET2020”) (1), li l-għan primarju tiegħu huwa l-appoġġ għal aktar żvilupp tas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ fl-Istati Membri li għandhom l-għan li jiżguraw is-sodisfazzjon personali, soċjali u professjonali taċ-ċittadini, kif ukoll il-prosperità ekonomika sostenibbli u l-impjegabbiltà, filwaqt li jippromwovu l-valuri demokratiċi, il-koeżjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva, u d-djalogu interkulturali;

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Frar 2011 dwar ir-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 (2).

WARA LI KKUNSIDRA:

Ir-Rapport Konġunt ta' Frar 2012 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (3), li jistabbilixxi l-passi biex tissaħħaħ il-governanza ta' “ET2020” u jiġi mmobilizzat il-proċess “ET2020” b'appoġġ għall-objettivi tal-Ewropa 2020 dwar it-tkabbir u l-impjiegi.

U FID-DAWL TA':

1.

Id-dibattitu dwar l-edukazzjoni u Ewropa 2020 li sar matul il-laqgħa informali tal-ministri tal-edukazzjoni f'Nikosija fl-4 u l-5 ta' Ottubru 2012.

2.

L-eżitu tar-reviżjoni pilota bejn il-pari dwar ir-rispons tal-politika tal-edukazzjoni u t-taħriġ organizata fis-17 ta' Settembru 2012, li ffukat fuq l-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala tnejn mill-oqsma ewlenin li l-importanza tagħhom ġiet enfasizzata matul is-Semestru Ewropew tal-2012.

3.

Id-dibattitu pubbliku dwar il-kwistjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ imqajma matul is-Semestru Ewropew tal-2012, li sar matul il-Forum Ewropew dwar l-Edukazzjoni, it-Taħriġ u ż-Żgħażagħ fit-18-19 ta' Ottubru 2012.

4.

L-isforzi biex jitjiebu l-evidenza empirika u l-kapaċità analitika permezz tal-Monitor tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ.

5.

L-organizzazzjoni ta' reviżjoni tematika konġunta bejn il-Kumitat tal-Edukazzjoni u l-Kumitat tal-Impjiegi fit-18 ta' April 2012.

JILQA':

Ir-rwol ewlieni tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jissottolinja l-kompetenza tal-Istati Membri biex jiżviluppaw u jimplimentaw riformi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

JINNOTA LI:

1.

Fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-rakkomandazzjonijiet tal-2012 speċifiċi għall-pajjiż maħruġa mill-Kunsill fl-10 ta' Lulju 2012 jiffokaw speċifikament fuq il-promozzjoni tal-aċċess għal edukazzjoni preprimarja u formali ta' kwalità tajba; it-tnaqqis tan-numru ta' studenti li jħallu l-iskola kmieni; l-iffaċilitar tat-transizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol; it-titjib tal-eżiti tal-edukazzjoni u r-rilevanza tal-ħiliet għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; ir-rinfurzar tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b'fokus fuq taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol u fuq l-apprentistati; l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja b'enfasi fuq it-tnaqqis tar-rati ta' tluq bikri mill-iskola; u t-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni għall-gruppi żvantaġġati.

2.

Bejn l-2010 u l-2011 sar progress inkoraġġanti, iżda diskwilibrat, lejn il-mira ewlenija tal-UE tal-ilħuq terzjarju jew ekwivalenti u t-tluq bikri mill-iskola, u li l-isforzi kontinwati huma indispensabbli sabiex din il-mira tintlaħaq sal-2020, b'kont meħud tal-fatt li l-isforzi biex jitwettqu r-riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ spiss jeħtieġu ż-żmien.

JAQBEL LI:

1.

Anke fi żmien ta' riżorsi finanzjarji skarsi, l-investiment effiċjenti u adegwat f'oqsma favorevoli għat-tkabbir bħall-edukazzjoni u t-taħriġ hu komponent ewlieni tal-iżvilupp ekonomiku u l-kompetittività, li min-naħa tagħhom huma essenzjali għall-ħolqien tal-impjiegi.

2.

L-investiment effiċjenti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ jista' jkun saħansitra aktar importanti matul perijodi ta' diffikulta ekonomika u fi żmien ta' qgħad għoli fost iż-żgħażagħ. Ladarba l-kriżi tkun spiċċat, numru akbar ta' gradwati ta' kwalità għolja kemm mill-edukazzjoni għolja kif ukoll mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) jista' sostanzjalment jagħti spinta lill-prospetti ta' tkabbir, irawwem l-innovazzjoni u jgħin jevita kriżi futura.

3.

Il-livelli ta' kompetenza u ħiliet kemm taż-żgħażagħ kif ukoll tal-adulti f'ħafna oqsma jeħtieġu jiġu adattati kontinwament u kompletament għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tal-ekonomija u s-suq tax-xogħol. L-impjegabbiltà tal-persuni għandha għalhekk tiġi promossa kemm fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll fuq il-post tax-xogħol, bħala responsabbiltà konġunta tas-settur pubbliku u privat fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja.

4.

Hu kruċjali għall-kisba tal-objettivi tal-Ewropa 2020 li ċ-ċittadini Ewropej jitħejjew biex ikunu persuni li jitgħallmu motivati u awtonomi kapaċi li jikkontribwixxu għall-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u tal-koeżjoni soċjali għal perijodu fit-tul.

5.

Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikollhom l-għan li jiffaċilitaw it-transizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, li jilħqu bilanċ adatt bejn it-teorija u l-prattika, fejn rilevanti, li jsaħħu konnessjonijiet bejn l-edukazzjoni u t-taħriġ u s-suq tax-xogħol. It-tagħlim għandu jirrifletti aħjar ir-realtajiet ġodda u, fejn adatt, jinkludi elementi ta' taħriġ prattiku li jista' jikkontribwixxi għat-titjib fl-impjegabbiltà tal-istudenti u oħrajn li qed jitgħallmu.

6.

Is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż fil-livell ministerjali, għandu jkollu rwol aktar prominenti kemm fid-definizzjoni tal-approċċi u l-objettivi komuni relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-aspetti tal-edukazzjoni u t-taħriġ tas-Semestru Ewropew tal-Ewropa 2020:

(a)

billi jsiru dibattiti fil-Kunsill dwar kwistjonijiet relatati mas-Semestru Ewropew;

(b)

billi tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn il-Kumitat tal-Edukazzjoni u l-Kumitat tal-Impjiegi u kumitati rilevanti oħra.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI:

1.

Jiżviluppaw u jimplimentaw, f'konformità mal-prijoritajiet u l-ħtiġijiet nazzjonali u reġjonali, ir-riformi mmirati għall-ittrattar tal-isfidi indirizzati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

2.

Jimmiraw investiment effiċjenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ bħala parti mill-istrateġija usa' għall-irkupru ekonomiku, it-tkabbir u l-impjegi, inkluż permezz tal-programmi tal-UE u l-Fondi Strutturali Ewropej.

3.

Jagħmlu sforzi, flimkien mal-partijiet interessati rilevanti, biex itejbu r-reklutaġġ, l-iżvilupp professjonali u l-istatus ġenerali tal-għalliema fl-iskejjel, il-mexxejja tal-iskejjel u min iħarreġ lill-għalliema, sabiex tiżdied il-kwalità tat-tagħlim u tal-ambjent tat-tagħlim, kif ukoll biex tissaħħaħ l-attrazzjoni ta' dawn il-professjonijiet.

4.

Jinkludu aktar elementi bbażati fuq ix-xogħol fil-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, partikolarment fil-qasam tal-VET, inkluż permezz ta' programmi ta' taħriġ u apprendistati; jistabbilixxu strutturi ta' kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-VET, l-intrapriżi, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali; u jżidu l-attrazzjoni tas-settur tal-VET, inkluż billi jiddiversifikaw l-alternattivi fil-VET u billi jagħtu aktar gwida matul l-ewwel snin tal-edukazzjoni sekondarja.

5.

Jippromwovu mogħdijijiet flessibbli bejn il-VET u l-edukazzjoni għolja fil-kuntest ta' oqfsa ta' kwalifiki nazzjonali.

6.

Iwessgħu l-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja u l-VET, pereżempju billi jimmiraw miżuri lejn gruppi li huma sottorappreżentati, billi jintroduċu modi ta' tagħlim flessibbli u billi jiżviluppaw, fejn mhux attwata, edukazzjoni għolja orjentata professjonalment jew vokazzjonalment bħala edukazzjoni komplementarja għall-edukazzjoni universitarja.

7.

Jipprovdu appoġġ u gwida aħjar immirata għall-istudenti, bil-ħsieb li jgħinu lill-istudenti jlestu l-lawrja fl-edukazzjoni għolja fiż-żmien previst.

8.

Jorbtu l-prijoritajiet ta' edukazzjoni u taħriġ definiti fl-Istrateġija Ewropa 2020 u l-qafas “ET2020” mal-infiq mill-Fondi Strutturali Ewropej taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali u futur.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:

1.

Tevalwa l-eżerċizzju pilota reċenti ta' evalwazzjoni bejn il-pari u, abbażi ta' dan, tippreżenta proposti għal diskussjoni dwar avvenimenti ta' tagħlim bejn il-pari u reviżjonijiet bejn il-pari possibbli futuri marbuta mal-objettivi tal-Ewropa 2020.

2.

Tippreżenta lill-Kunsill abbozz ta' programm ta' ħidma ta' “ET2020”, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-oqsma ta' prijorità għat-tieni ċiklu ta' ħidma 2012-2014 ta' “ET2020” u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż, fejn rilevanti. Għal kull qasam ta' prijorità, il-programm ta' ħidma għandu jispeċifika l-azzjoni, iż-żmien u l-involviment ippjanati tal-gruppi ta' ħidma tal-MMK.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI:

1.

Jiżguraw — mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali — li l-ħtiġijiet ta' riforma ssottolinjati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jiġu meqjusin fl-għażla ta' prijoritajiet u intervenzjonjiet ta' investiment programmati taħt il-Qafas Strateġiku Komuni futur tal-Fondi Strutturali Ewropej.

2.

Jikkoordinaw aħjar in-netwerks ta' Eurydice u ta' netwerks rilevanti oħra, bħal ReferNet tas-Cedefop, bil-ħsieb tal-analiżi tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri u tar-riformi li qed jitwettqu fil-proċess ta' Ewropa 2020.


(1)  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.

(2)  ĠU C 70, 4.3.2011, p. 1.

(3)  ĠU C 70, 8.3.2012, p. 9.


19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/8


Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2012 dwar Governanza Kulturali

2012/C 393/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JIRRIKONOXXI:

1.

li l-kultura bl-elementi inerenti tagħha ta' kreattività u innovazzjoni hija valur fih innifsu. Din għandha valur pubbliku sinifikanti u tikkontribwixxi għall-kisba ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inkussiv kif stabbilit fl-istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha (1);

2.

l-objettivi assenjati lill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-kultura mill-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.

li l-politika kulturali hija ta' natura orizzontali u għalhekk hija meħtieġa kooperazzjoni trasversali bejn is-setturi u bejn il-livelli differenti ta' governanza;

4.

li hemm ħtieġa li l-isfidi numerużi ffaċċjati mis-settur kulturali u dak kreattiv, inkluż ambjent li qed jinbidel rapidament xprunat mill-bidla diġitali u l-globalizzazzjoni jinbidlu f'opportunitajiet ġodda ta' tkabbir u impjiegi, u dan jeħtieġ azzjoni li għandha tittieħed fil-livelli differenti ta' governanza;

5.

li hemm dinamika b'saħħitha fil-linji ta' demarkazzjoni bejn is-settur kulturali u dak kreattiv u li jirriżultaw benefiċċji sinifikanti mill-istabbiliment ta' rabtiet u sħubijiet bejn is-setturi; għalhemm hemm ħtieġa li jiġu adottati approċċi olistiċi għall-governanza kulturali;

6.

li l-“governanza kulturali” għandha tinftiehem kemm bħala metodu għat-twettiq ta' politika kulturali kif ukoll bħala għodda li tapprofondixxi l-integrazzjoni tal-kultura fl-aġenda tal-politika pubblika billi tikkoordina l-politiki kulturali mal-politiki settorjali l-oħra;

7.

l-importanza tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni użat għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura (2) li huwa wieħed mill-mezzi ta' governanza kulturali fil-livell Ewropew;

JIRRAKKOMANDA L-IŻVILUPP TAL-APPROĊĊ DOPPJU LI ĠEJ GĦALL-KWISTJONI TAL-GOVERNANZA KULTURALI:

I.   IL-PROMOZZJONI TA' TFASSIL TAL-POLITIKA BBAŻAT FUQ L-EVIDENZA

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA:

IQIS li l-promozzjoni ta' tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn il-kultura, l-ekonomija, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma ta' importanza kbira għall-Istati Membri, b'mod partikolari fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika meta hemm ħtieġa li l-politiki kulturali jkunu aktar effettivi, effiċjenti u sostenibbli;

JILQA' r-riżultati tal-ħidma esperta dwar l-istatistika kulturali, inkluż fil-kuntest tal-proġett ESSnet-Culture (3), imwettaq konġuntament mill-Eurostat u grupp ta' ħames Stati Membri, li jistabbilixxi qafas għal titjib sinifikanti fl-informazzjoni statistika dwar il-kontribut tal-kultura permezz ta' aġġustamenti fis-sistemi statistiċi nazzjonali li huma komparattivament minuri u li jużaw ir-riżorsi b'mod effiċjenti;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI:

biex jappoġġaw approċċ ibbażat fuq l-evidenza għat-tfassil tal-politika kulturali f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali, bl-użu, fejn adatt, ta' strumenti ta' evalwazzjoni u valutazzjoni tal-impatt li jieħdu kont mhux biss ta' indikaturi kwantitattivi iżda wkoll kwalitattivi;

biex jippromwovu aspetti marbuta mal-politika kulturali f'oqsma oħra ta' politika;

biex jippromwovu l-kollaborazzjoni u n-netwerking bejn l-istituzzjonijiet kulturali u edukattivi, iċ-ċentri ta' riċerka u l-intrapriżi kulturali u kreattivi […] sabiex jiġbru u jipproċessaw ir-riżultati tar-riċerka u jxerrduhom fost dawk li jfasslu l-politika;

biex, filwaqt li jużaw bl-aħjar mod l-istrutturi eżistenti, ifittxu li jiżguraw li d-dipartimenti governattivi u l-korpi rilevanti tal-amministrazzjoni pubblika jieħdu kont, jekk ikun adatt u rilevanti, ta' dawk ir-riżultati tar-riċerka, meta jfasslu r-riċerka tagħhom u jifformulaw il-politiki settorjali tagħhom;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRU U LILL-KUMMISSJONI, FIL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

jistimulaw l-iskambju ta' esperjenzi, irawmu t-tixrid tal-aħjar prattika fil-qasam tal-politika kulturali u jippromwovu sinerġiji bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-riċerka akkademika marbuta mal-kultura u l-governanza kulturali;

jinnominaw punti ta' kuntatt responsabbli għall-kondiviżjoni u l-koordinazzjoni ta' studji u riċerka prospettiva fil-Ministri responsabbli għall-Kultura jew f'korpi pubbliċi oħra inkarigati mill-politiki kulturali kif ukoll fil-Kummissjoni, u jinkoraġġixxu n-netwerking tagħhom fil-livell Ewropew;

jattwaw, mill-aktar fis possibbli, il-qafas statistiku komuni u l-metodoloġija żviluppati mill-ESS-net Culture bil-ħsieb li jipproduċu informazzjoni affidabbli, komparabbli u aġġornata dwar l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kultura u tas-settur kreattiv, u jkomplu jaħdmu fuq prijoritajiet futuri abbażi tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-ESS-net Culture (4);

jippromwovu l-iżvilupp kontinwu ta' statistika komparabbli dwar il-kultura mill-Eurostat, b'kooperazzjoni mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika (5) u mal-Ministeri responsabbli għall-Kultura jew korpi oħrajn inkarigati mill-istatistika kulturali;

jippromwovu l-iskambju ta' esperjenza u jagħtu bidu, bil-parteċipazzjoni tal-Eurostat, għal ħidma fuq “kontijiet satellita (6) dwar il-kultura li ser jgħinu l-valutazzjoni tal-kontribut tal-kultura għall-ekonomija, b'attenzjoni partikolari għall-impjiegi kulturali;

II.   IL-PROMOZZJONI TA' SINERĠIJI U L-IŻVILUPP TA' STRATEĠIJI INTEGRATI GĦAL APPROĊĊ AKTAR OLISTIKU GĦALL-KULTURA

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

IQIS li l-livelli kollha ta' governanza, bl-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol partikolari, għandhom jiġbdu ħabel wieħed sabiex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ekonomiku u soċjali tas-settur kulturali u dak kreattiv; f'dan il-kuntest, huwa JIEĦU NOTA tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għal tkabbir u l-impjiegi fl-UE” (7), adottata fis-26 ta' Settembru 2012, li tistabbilixxi strateġija komprensiva għal dan il-għan;

JINNOTA l-importanza li l-kultura tiġi integrata f'oqsma oħrajn tal-politika pubblika u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali;

JISSOTTOLINJA l-importanza li jissaħħaħ l-involviment tal-atturi tas-soċjetà ċivili rilevanti sabiex il-governanza kulturali ssir aktar miftuħa, parteċipattiva, effettiva u koerenti;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

isaħħu l-kooperazzjoni interministerjali u transettorjali dwar il-kwistjonijiet kulturali u jiżviluppaw strateġiji integrati fuq ħafna livelli li jinvolvu l-livelli ta' governanza kollha;

iħeġġu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-qafas tal-politiki ta' żvilupp lokali u reġjonali, biex jintegraw is-setturi kulturali u kreattivi fl-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom  (8) u jistabbilixxu għal dan il-għan sħubija effettiva bejn is-soċjetà ċivili, is-settur tan-negozju u l-awtoritajiet pubbliċi;

iħeġġu impenji konġunti bejn partijiet interessati pubbliċi u privati biex ikun hemm sostenibbiltà fl-investimenti fis-setturi kulturali u kreattivi, filwaqt li jiffavorixxu taħlita aħjar ta' investimenti diretti (infrastrutturi) u indiretti (kapital uman);

jippromwovu approċċ parteċipattiv għat-tfassil tal-politika kulturali billi jsaħħu s-sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet kulturali pubbliċi u s-soċjetà ċivili u billi jistimulaw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili permezz ta' djalogu u konsultazzjoni xierqa;

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:

tkompli tappoġġa l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-esperti mill-Istati Membri, inkluż permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, u tippromwovi djalogu strutturat mal-gruppi ta' partijiet interessati rilevanti;

tkompli tiżviluppa kooperazzjoni transettorjali fi ħdan il-Kummissjoni biex tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tas-setturi kulturali u kreattivi biex tħeġġeġ it-tkabbir intelliġenti, koeżjoni soċjali u djalogu interkulturali fl-Ewropa u tagħmel użu sħiħ mill-proċeduri eżistenti ta' valutazzjoni tal-impatt biex il-kultura tiġi integrata fil-politika u l-azzjoni rilevanti kollha tal-UE;

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI, LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-PRESIDENZI FUTURI FL-ISFERI TA' KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM, BIEX:

jagħmlu użu sħiħ, fejn xieraq, minn programmi ta' finanzjament eżistenti u futuri fil-livell tal-UE, inkluż fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni (9);

jaħdmu flimkien fuq analiżi ta' nofs it-terminu u fuq ir-rapport finali tal-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2011-2014 u jiżviluppaw metodi ta' monitoraġġ biex ikejlu l-implimentazzjoni tiegħu;

jikkondividu regolarment u fi stadju bikri informazzjoni dwar il-politiki u l-azzjonijiet tal-UE b'impatt dirett jew indirett fuq kwistjonijiet u politiki kulturali sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni Ewropea u nazzjonali effettiva; għal dan il-għan huwa jistieden lill-KUMMISSJONI tirrapporta dwar l-inizjattivi rilevanti tagħha, inklużi dawk fil-programm ta' ħidma annwali tagħha, lill-Kumitat Affarijiet Kulturali, u lill-PRESIDENZI FUTURI biex jirrapportaw dwar il-ħidma mwettqa minn korpi preparatorji oħra tal-Kunsill;

jinnominaw punti ta' kuntatt responsabbli għall-kondiviżjoni u l-koordinazzjoni ta' studji u riċerka prospettivi sa tmiem l-2013;

jaħdmu flimkien biex jiżguraw li tittieħed azzjoni fuq dawn il-konklużjonijiet.

JAQBEL LI:

jieħu kont tal-implimentazzjoni ta' dawn il-konklużjonijiet fl-2015  (10).


(1)  F'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2011 dwar il-kontribut tal-kultura għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 (ĠU C 175, 15.6.2011, p. 1).

(2)  Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2011-2014 (ĠU C 325, 2.12.2010, p. 1).

(3)  Rapport finali tal-ESSnet-Culture:

http://ec.europa.eu/culture/news/20121026-ess-net_en.htm

(4)  Kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2011.

(5)  Mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-programm statistiku Ewropew tal-2013-2017 (COM(2011) 928 final — dok. 5089/12) u n-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020.

(6)  Kontijiet satellita jipprovdu qafas marbut mal-kontijiet ċentrali u li jippermetti li l-attenzjoni tiġi ffukata fuq ċertu qasam jew aspett ta' ħajja ekonomija u soċjali fil-kuntest tal-konijiet nazzjonali (http://stats.oecd.org/glossary/detail.asp?ID=2385).

(7)  14256/12 (COM(2012) 537 final).

(8)  L-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti huma għodda li permezz tagħha r-reġjuni jew bliet jippjanaw l-assi tagħhom u jiżviluppaw strateġiji, kemm f'termini ekonomiċi kif ukoll ta' inklużjoni soċjali, abbażi tal-profili distintivi tagħhom stess. Huma parti minn kondizzjonalità ex-ante inkluża fil-qafas regolatorju propost għall-politika ta' koeżjoni 2014-2020. (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020, COM(2010) 553 final — dok. 14679/10).

(9)  Dawn il-konklużjonijiet ma jippreġudikawx in-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020.

(10)  L-eżerċizzju ta' rendikont jista' jinkludi dan li ġej: il-progress tal-ħidma fl-istatistika kulturali komparabbli, in-netwerking tal-punti ta' kuntatt li għandhom jintgħażlu sal-2013, u l-funzjonament tal-iskambju tal-informazzjoni dwar il-politiki u l-azzjonijiet tal-UE li għandhom impatt fuq il-kultura. Din il-lista mhix eżawrjenti.


19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/11


Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2012 dwar strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal

2012/C 393/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

FILWAQT LI JILQA' B'INTERESS:

l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-“Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal” (1) fit-2 ta' Mejju 2012 u JAPPROVA l-attenzjoni tal-istrateġija fuq erba' pilastri ta' azzjoni: (1) l-istimolu tal-kontenut ta’ kwalità tal-Internet għat-tfal, (2) l-intensifikazzjoni ta' sensibilizzazzjoni u responsabbilizzazzjoni, (3) il-ħolqien ta’ ambjent online sikur għat-tfal u (4) l-ġlieda kontra materjal online ta' abbuż sesswali fuq it-tfal;

IFAKKAR:

fl-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2) li tistabbilixxi bħala wieħed mill-objettivi tagħha l-kisba ta' protezzjoni ta' livell għoli għat-tfal fid-dinja diġitali, filwaqt li tappoġġa bis-sħiħ id-dritt tagħhom li jaċċessaw l-Internet għall-benefiċċju tal-iżvilupp soċjali u kulturali tagħhom;

fl-importanza tal-Programmi għal Internet Aktar Sikur li permezz tagħhom l-UE sa mill-1999 kkoordinat u appoġġat sforzi biex l-Internet isir post aktar sikur għat-tfal, kif ukoll ir-rwol kruċjali taċ-Ċentri ta' Internet Aktar Sikur;

fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (3) li l-azzjonijiet tagħha jimmiraw, inter alia, li jtejbu l-litteriżmu medjatiku (4), b'mod partikolari l-kompetenza diġitali (5), l-inklużjoni diġitali, kif ukoll jinkoraġġixxu l-innovazzjoni teknoloġika u l-ħolqien ta' impjiegi, u b'hekk jikkontribwixxu għal suq uniku diġitali;

JENFASIZZA:

1.

ir-rilevanza li għad għandhom il-konklużjonijiet tiegħu tal-2011 dwar il-protezzjoni tat-tfal fid-dinja diġitali (6) li fihom stiednet lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-industrija biex jieħdu azzjonijiet biex joħolqu ambjent online sikur għat-tfal, kif ukoll jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiġi miġġieled il-kontenut illegali, bħal immaġni ta' abbuż sesswali tat-tfal;

2.

l-adozzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (7), li l-Istati Membri jridu jimplimentaw;

3.

li peress li l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2011 u d-Direttiva 2011/93/UE jkopru azzjonijiet b'mod estensiv taħt it-tielet u r-raba' pilastru tal-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal, dawn il-konklużjonijiet attwali ser jikkonċentraw l-iktar fuq il-kwistjonijiet li tqajmu taħt l-ewwel u t-tieni pilastru tal-Istrateġija Ewropea;

4.

li dawn il-konklużjonijiet u dawk tal-2011 huma komplementari u jikkostitwixxu tweġiba globali tal-Kunsill għall-Istrateġija Ewropea proposta mill-Kummissjoni;

JIEĦU NOTA TA':

1.

l-istabbiliment, fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, tal-“Coalition to make the Internet a better place for kids” (Koalizzjoni biex l-Internet isir post aħjar għat-tfal) u l-pjan ta' ħidma tagħha biex isir progress u jinkisbu r-riżultati fil-ħames oqsma ta' azzjoni (għodod ta' rappurtar, konfigurazzjonijiet tal-privatezza addattati skont l-età, klassifikazzjoni tal-kontenut, kontroll mill-ġenituri, tneħħija tal-materjal tal-abbuż fuq it-tfal) (8);

2.

il-proposti tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi l-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” (9) u għal Regolament għal netwerks tat-telekomunikazzjonijiet trans-Ewropej (10) li jipprevedi finanzjament għal infrastruttura ta' servizzi tal-Internet Aktar Sikur, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali;

3.

il-proposti tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi l-“Orizzont 2020” (11) li jipprevedi finanzjament għar-riċerka inter alia fl-oqsma assoċjati mal-interazzjoni tat-tfal u l-Internet u għal Regolament li jistabbilixxi “Erasmus għal Kulħadd” (12) li jipprevedi finanzjament għal inizjattivi għal kompetenza medjatika u diġitali fl-edukazzjoni;

4.

l-appell tal-Kummissjonijiet biex l-Istati Membri jaħtru rebbieħ diġitali nazzjonali li l-ħidma tiegħu jkollha l-għan li tippromwovi l-benefiċċji ta' soċjetà diġitali inklużiva (13);

5.

il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa taħt l-istrateġija tiegħu ta' governanza tal-Internet (2012-2015) fir-rigward tal-protezzjoni u l-awtodeterminazzjoni tat-tfal fuq l-Internet;

6.

il-kisbiet u l-prassi ferm pożittivi tal-proġetti eżistenti fil-livell nazzjonali, li jappoġġaw għanijiet simili bħall-ħolqien ta' kontenut ta' kwalità online għat-tfal, jew il-protezzjoni ta' minorenni, pereżempju, permezz ta' għodod ta' kontroll, sensibilizzazzjoni u responsabbilizzazzjoni;

JENFASIZZA LI:

1.

in-natura interattiva u ubikwa tal-Internet toffri ħafna opportunitajiet għall-iżvilupp ta' litteriżmu medjatiku, b'mod partikolari l-kompetenzi diġitali, li jassistu l-ħsieb kritiku, il-ħiliet analitiċi, l-innovazzjoni u l-kreattività. L-iżvilupp tal-litteriżmu medjatiku, b'mod partikolari l-kompetenzi diġitali, huwa importanti biex it-tfal jadattaw b'mod sigur għat-tekonoloġiji l-ġodda li qed jevolvu l-ħin kollu, u b'mod aktar ġenerali biex jagħtu forma lid-dinja tagħhom b'mod sigur u kreattiv;

2.

l-effetti fit-tul fuq is-soċjetajiet tagħna tan-nuqqas ta' investiment f'politiki li jaffettwaw lit-tfal jistgħu jkunu serji (14), li jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet partikolari tat-tfal fuq l-Internet, u biex l-Internet isir post ta' opportunità għat-tfal kollha tal-Ewropa irrispettivament mill-isfond etniku, kulturali u soċjali, u għat-tfal b'diżabbiltà u bżonnijiet speċjali, bil-għan li jitnaqqsu d-differenzi diġitali li hemm attwalment;

3.

huwa importanti li tiġi kkoordinata l-implimentazzjoni tal-attivitajiet mnedija taħt l-Istrateġija Eropea kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, filwaqt li tiġi promossa interazzjoni bejn il-partijiet interessati li tinvolvi b'mod partikolari t-tfal, id-dipartimenti tal-gvern, l-istituzzjonijiet kompetenti, l-NGOs u l-industrija; eżempju ta' kooperazzjoni msaħħa fil-livell Ewropew hu li tiġi żgurata koordinazzjoni kontinwa u aktar intensiva tal-ħidma magħmula fi ħdan in-netwerk iffinanzjat mill-UE ta' Ċentri ta' Internet Aktar Sikur fl-Istati Membri;

4.

l-awtoregolamentazzjoni hija importanti għax l-Internet huwa ambjent li jinbidel malajr li jeħtieġ flessibbiltà biex ma jiġux ristretti il-potenzjal tiegħu li jikber u l-abbiltà għal adattament; madankollu biex tkun effettiva, l-awtoregolamentazzjoni teħtieġ li tkun sorveljata u evalwata independentament kif ukoll tkun ikkombinata mill-qrib ma' inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni u għoti ta' setgħa;

JIRRAKKOMANDA LI TITTIEĦED AZZJONI FL-OQSMA LI ĠEJJIN:

QASAM 1: Kontenut ta' aktar kwalità fuq l-Internet għat-tfal

META JITQIES LI:

1.

it-tfal huma esposti għall-Internet minn firxa dejjem akbar ta' apparati u f'età dejjem iżgħar, iżda spiss ma jsibux biżżejjed kontenut ta' kwalità adegwat għall-età tagħhom;

2.

it-terminu “kontenut ta' kwalità tal-Internet għat-tfal” għandu jinftiehem bħala l-kontenut li b'xi mod huwa ta' benefiċċju għat-tfal - pereżempju billi jżid l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom b'enfasi speċjali fuq il-kreattività - minbarra li jkun attraenti u jista' jintuża minnhom, affidabbli u sikur, u jekk rilevanti, kontenut li jagħmel ir-reklamar jew il-komunikazzjoni kummerċjali identifikabbli b'mod ċar bħala tali (15);

3.

id-disponibbiltà ta' kontenut ta' kwalità fuq l-Internet għat-tfal jista' jżid l-użu aħjar mit-tfal tal-Internet u jista' jiffaċilita b'mod sinifikanti l-penetrazzjoni u l-użu attiv tal-Internet bil-broadband fid-djar fl-UE (16) u vice versa;

4.

iż-żieda fis-sensibilazzjoni, il-kunfidenza u l-fiduċja tal-konsumaturi (tfal, ġenituri u edukaturi) fl-użu tal-kontenut f'diversi pajjiżi u ta' apparati li jistgħu jnaqqsu l-frammentazzjoni tas-suq diġitali uniku, filwaqt li jirrispetta l-ispeċifiċitajiet lingwistiċi u kulturali ta' kull Stat Membru;

5.

il-promozzjoni, il-produzzjoni u t-tixrid ta' kontenut ta' kwalità tal-Internet jirrikjedu kooperazzjoni dinamika u mill-qrib bejn produtturi ta' kontenut pubbliċi u privati, l-esperti fis-sikurezza tat-tfal fuq l-Internet (pereżempju NGOs u ċentri ta' sikurezza fuq l-Internet), il-fornituri ta' servizzi tal-Internet u dawk li għandhom rwol fl-edukazzjoni tat-tfal (pereżempju ġenituri u għalliema), kif ukoll it-tfal infushom;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, LILL-KUMMISSJONI U LILL-INDUSTRIJA, FL-ISFERI RISPETTIVI TAL-KOMPETENZA TAGĦHOM, BIEX:

1.

iħeġġu l-innovazzjoni permezz tal-użu ta' software minn sorsi miftuħa u standards miftuħa għall-produzzjoni ta' kontenut online ta' kwalità mit-tfal u għalihom billi jiġu appoġġati proġetti u inizjattivi, inkluż l-iżvilupp ta' pjattaformi interoperabbli, li permezz tagħhom jingħata aċċess għal tali kontenut;

2.

jikklassifikaw aspetti kwantitattivi u kwalitattivi ta' kontenut fuq l-Internet permezz tal-iżvilupp ta' sistemi ta' klassifikazzjoni tal-kontenut u skont l-età (inkluża klassifikazzjoni bbażata fuq is-sodisfazzjon tal-utent u l-analiżi mill-esperti) li huma affidabbli u paragunabbli f'pajjiżi u apparati differenti, filwaqt li jkunu permessi differenzi ta’ bażi kulturali bejn l-Istati Membri;

3.

jinvestigaw modi kif jiġi ttrattat l-ostaklu tal-lingwi meta jinħoloq kontenut ta' kwalità tal-Internet pereżempju permezz ta' traduzzjonijiet awtomatiċi mtejba, u b'hekk jikkontribwixxi għall-ħolqien tas-suq uniku diġitali;

QASAM 2: Intensifikazzjoni tas-sensibilizzazzjoni u tal-awtodeterminazzjoni

META JITQIES LI:

biex it-tfal ikunu jistgħu jużaw l-Internet b'mod sikur, jenħtieġ, min-naħa l-waħda, li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-għodda tekniċi li jagħmlu possibbli n-navigazzjoni sikura tal-Internet, u min-naħa l-oħra, li t-tfal jiġu mogħnija bl-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi adatti biex huma jkunu jistgħu jiffaċċjaw l-ambjent online b'mod effettiv u responsabbli;

is-settur tal-edukazzjoni kif ukoll il-ġenituri għandhom rwol importanti xi jwettqu biex jgħinu lit-tfal jisfruttaw l-opportunitajiet offruti mill-Internet b'mod kreattiv u ta' benefiċċju, kif ukoll li jidentifikaw u jittrattaw ir-riskji li jiltaqgħu magħhom fuq l-Internet. Madankollu, huwa wkoll rikonoxxut li l-għalliema u l-ġenituri nfushom jeħtieġu l-appoġġ u t-taħriġ mhux biss biex ilaħħqu mal-bidliet rapidi u imprevedibbli fil-ħajja virtwali tat-tfal, iżda wkoll mat-teknoloġiji l-ġodda li qed jevolvu l-ħin kollu;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

1.

jintensifikaw l-implimentazzjoni ta' strateġiji sabiex jiġi inkluż it-tagħlim dwar is-sikurezza fuq l-Internet u l-kompetenzi diġitali fl-iskejjel, biex jinkoraġġixxu l-użu tal-Internet fis-suġġetti skolastiċi kollha u f'dan ir-rigward jappoġġaw taħriġ adegwat tal-għalliema;

2.

isaħħu l-kisba tal-kompetenzi diġitali mill-ġenituri u mit-tfal fil-kuntest tat-tagħlim informali u dak mhux formali, inkluż f'organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ permezz ta' ħaddiema maż-żgħażagħ li jkunu mħarrġa adegwatament;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

3.

jappoġġaw b'mod attiv il-parteċipazzjoni tat-tfal meta dawn jiżviluppaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni nazzjonali u pan-Ewropej, leġiżlazzjoni jew miżuri u attivitajiet oħrajn b’impatt fuq l-attivitajiet tat-tfal fuq l-Internet, billi pereżempju jkomplu l-appoġġ għall-Gruppi nazzjonali taż-Żgħażagħ imħaddma miċ-Ċentri tal-Internet Aktar Sikur;

4.

jiżviluppaw aktar il-litteriżmu medjatiku, b'mod partikolari l-kompetenzi diġitali u jippromwovu s-sensibilizzazzjoni fil-livell nazzjonali u f'dak pan-Ewropew;

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, LILL-KUMMISSJONI U LILL-INDUSTRIJA, FL-ISFERI RISPETTIVI TAL-KOMPETENZA TAGĦHOM, BIEX:

5.

jappoġġaw sħubiji pubbliċi-privati biex jintensifikaw is-sensibilizzazzjoni u r-responsabbilizzazzjoni, filwaqt li jenfasizzaw l-opportunitajiet offruti mill-Internet, fil-livell nazzjonali u dak tal-UE, li jilħqu lill-ġenituri u lit-tfal fl-isfondi soċjali, etniċi u kulturali kollha, inklużi tfal minn sfondi soċjo-ekonomikament żvantaġġati u tfal bi bżonnijiet speċjali;

6.

ikomplu jipprovdu evidenza u fehim tal-imġiba tat-tfal fuq l-Internet u tal-impatti ta' servizzi u teknoloġiji fuq l-użu tal-Internet mit-tfal;

7.

itejbu l-għodod ta' kontroll mill-ġenituri biex dawn jaħdmu b'mod effiċjenti fuq kwalunkwe apparat u jkunu interoperabbli u disponibbli fl-akbar għadd ta' lingwi possibbli, u biex jiżviluppaw strateġiji biex il-ġenituri jsiru konxji tal-eżistenza ta' għodod ta' kontroll mill-ġenituri, b'kont meħud tad-dritt tat-tfal għall-privatezza, l-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni;

8.

jikkoordinaw rappurtar standardizzat minimu u komuni ta' kategoriji ta' kontenut ta' ħsara u kriterji tal-prestazzjoni għall-proċeduri ta' rappurtar sabiex jagħmluhom paragunabbli, trasparenti u li jistgħu jintużaw f'pajjiżi u apparati differenti;

9.

jipprovdu l-appoġġ meħtieġ għall-istabbiliment, l-użu u l-monitoraġġ ta' mekkaniżmi effettivi ta' rappurtar ta' kontenut ta' ħsara u ta' segwitu, biex isaħħu l-kooperazzjoni fi ħdan l-industrija u mal-aġenziji tal-gvern, l-NGOs u hotlines u jiżguraw l-użu ta' mekkaniżmi u pjattaformi u apparati rilevanti meħtieġa għall-kooperazzjoni internazzjonali;

10.

jimplimentaw u jeżegwixxu inizjattivi awtoregolatorji eżistenti dwar reklamar online u jżommuhom aġġornati rigward forom ġodda ta' reklamar.

JISTIEDEN LILL-INDUSTRIJA BIEX:

11.

timplimenta parametri ta' privatezza prestabbiliti awtomatikament u tiżviluppa u timplimenta modi effettivi kif it-tfal u l-ġenituri jiġu infurmati dwar il-parametri tal-privatezza online tagħhom;

12.

tiżviluppa aktar inizjattivi awtoregolatorji dwar reklamar online;

Sabiex jiġi żgurat segwitu effettiv għal dawn il-konklużjonijiet, IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA jistieden

1.

lill-Koalizzjoni CEO biex tippreżenta lill-Kunsill ir-rapport finali tagħha, mistenni għal Jannar 2013;

2.

lill-Kummissjoni biex tipprovdi rispons u informazzjoni frekwenti dwar il-progress rigward l-azzjonijiet imniżżla fl-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal, partikolarment b'rabta mal-valutazzjoni komparattiva u l-proċessi ta' evalwazzjoni li għandhom isiru sabiex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea;

3.

lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020, biex jagħmlu użu adegwat mill-programmi ta' finanzjament eżistenti u futuri tal-UE għall-kisba tal-miri tal-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal f'kull wieħed mill-erba' pilastri u ta' dawn il-konklużjonijiet.


(1)  COM(2012) 196 final — dok. 9486/12.

(2)  COM(2011) 60 final — dok. 7226/11.

(3)  9981/10 REV 1 (COM(2010) 245 final/2).

(4)  Il-litteriżmu medjatiku hija “l-kapaċità li persuna taċċessa l-medja u tifhem, tevalwa b'mod kritiku, toħloq u tikkomunika kontenut tal-medja” (Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar il-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali — ĠU C 301, 11.12.2009, p. 12).

(5)  “(…) Il-kompetenza diġitali teħtieġ konoxxenza u għarfien sodi tan-natura, ir-rwol u l-opportunitajiet tal-IST fil-ħajja ta' kuljum (…) u konoxxenza tal-opportunitajiet u riskji potenzjali li joffru l-Internet u l-komunikazzjoni permezz tal-medja elettronika (posta elettronika, għodod tan-networks) (…). Il-ħiliet meħtieġa jinkludu l-kapaċità li persuna tfittex, tiġbor u tipproċessa t-tagħrif u tagħmel użu minnu b'mod kritiku u sistematiku (…). Individwi għandhom ikunu wkoll kapaċi jużaw l-IST bħal appoġġ għal ħsieb kritiku, il-kreattività u l-innovazzjoni (…).” (Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (2006/962/KE), ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10).

(6)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 15.

(7)  ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1, u r-rettifika għad-Direttiva (ĠU L 18, 21.1.2012, p. 7).

(8)  Il-koalizzjoni hija inizjattiva mmexxija mill-industrija li l-membri tagħha huma kumpaniji tal-ICT u medjatiċi f'livell Ewropew u dak dinji (http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/docs/ceo_coalition/ceo_coalition_statement.pdf).

(9)  16176/11.

(10)  16006/11.

(11)  17933/11.

(12)  17188/11.

(13)  Għall-informazzjoni: https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/digital-champions;

https://ec.europa.eu/digital-agenda/en/about-0

(14)  Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

(15)  Abbażi ta': “Il-produzzjoni u l-provvediment ta' kontenut fuq l-Internet għat-tfal u ż-żgħażagħ — Inventarju”, http://ec.europa.eu/information_society/activities/sip/docs/competition/final_draft.pdf

(16)  Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' Marzu 2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet Nazzjonali dwar il-Broadband (SWD(2012) 68 final), p. 17.


19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/15


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill fis-27 ta’ Novembru 2012 dwar il-parteċipazzjoni u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ b'enfasi fuq dawk li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni

2012/C 393/05

IL-KUNSILL U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI, IMLAQQGĦIN FIL-KUNSILL,

WAQT LI JFAKKRU FL-ISFOND POLITIKU GĦAL DIN IL-KWISTJONI KIF JIDHER Fl-ANNESS, B'MOD PARTIKOLARI LI:

1.

l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jirreferi għar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi bħala valuri ċentrali tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn il-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huma prevalenti (1);

2.

l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi azzjoni tal-Unjoni Ewropea li għandha tkun immirata lejn l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa;

3.

ir-Riżoluzzjoni dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (2) tirreferi għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha fost l-objettivi ġenerali tagħha, u tidentifika l-parteċipazzjoni u l-inklużjoni soċjali bħala tnejn mit-tmien oqsma ta' azzjoni tagħha. Ir-Riżoluzzjoni tistabbilixxi li r-rikonoxximent li ż-żgħażagħ kollha huma riżorsa għas-soċjetà, u li jiġi sostnut id-dritt taż-żgħażagħ li jipparteċipaw fl-iżvilupp ta' linji ta' politika li jaffettwawhom permezz ta' djalogu strutturat kontinwu maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, huma fost il-prinċipji gwida li għandhom jiġu osservati fil-linji ta' politika u l-attivitajiet kollha li jikkonċernaw iż-żgħażagħ;

4.

l-Ewropa 2020 tippreżenta tliet prijoritajiet li jsaħħu lil xulxin ibbażati fuq it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Bħala parti mill-inizjattiva ewlenija tagħha, il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, hija speċifikament issemmi l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali biex b'hekk il-benefiċċji tat-tkabbir u l-impjiegi jiġu kondiviżi b'mod mifrux, u li l-persuni li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali jkunu jistgħu jgħixu f'dinjità u jieħdu sehem attiv fis-soċjetà. Hija tirreferi wkoll għall-qasam taż-Żgħażagħ bħala qasam ewlieni li fih l-inizjattiva Żgħażagħ Attivi għandha l-kompitu li ttejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi edukattivi, kemm formali kif ukoll mhux formali, u li tiffaċilita d-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.

U WAQT LI JINNOTAW LI:

5.

dawn il-konklużjonijiet jimmiraw iż-żgħażagħ kollha b'enfasi fuq dawk li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni (3).

WAQT LI JIEĦDU KONT LI:

6.

il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ tkopri l-oqsma kollha li jaffettwaw il-ħajja taż-żgħażagħ, kif ukoll l-involviment attiv fi proċessi demokratiċi;

7.

l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ tinkludi l-aċċess għal servizzi bħas-saħħa, l-edukazzjoni formali u t-tagħlim mhux formali u informali, it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT), il-kultura, id-djar, is-sevizzi soċjali u l-impjiegi, irrispettivament mis-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali;

8.

id-diversità razzjali, etnika, kulturali u reliġjuża hija karatteristika ċentrali tal-Unjoni Ewropea. Il-mobbiltà u l-migrazzjoni kienu sors kbir ta' diversità; fl-2011 kien hemm 20,5 miljun ċittadin ta' pajjiż terz, ġeneralment imsejħa immigranti fil-kuntest tal-UE, li jgħixu fl-UE, li jammontaw għal madwar 4 % tal-popolazzjoni totali tal-UE u 12,8 miljun ċittadin tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak tagħhom, li jirrappreżentaw 2,5 % tal-popolazzjoni tal-UE27 (4);

9.

l-età tal-immigranti tvarja fl-Istati Membri. Fl-2011 aktar minn nofshom kellhom bejn l-20 u l-34 sena (5);

10.

l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq it-tkabbir u l-impjiegi qed jaffettwaw b'mod partikolari liż-żgħażagħ b'inqas opportunitajiet. B'mod partikolari, ir-rata tal-Unjoni Ewropea tal-qgħad fost iż-żgħażagħ laħqet il-livelli inkwetanti ta' 'l fuq minn 20 %, u qed togħla, għal dawk li għandhom anqas minn 25 sena. 21,1 % taż-żgħażagħ li għandhom bejn it-18 u l-24 sena huma f'riskju ta' faqar;

11.

l-avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran mit-tmiem tal-2010 kkawżaw movimenti sinifikanti ta' migranti żgħażagħ, b'impatt dirett fuq il-fruntieri tal-UE;

12.

il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' immigranti mhux mill-UE (EIF) ifittex li jippromwovi l-kooperazzjoni Ewropea, bl-objettiv li jiggarantixxi drittijiet, responsabbiltajiet u opportunitajiet komparabbli għal kulħadd (6).

WAQT LI JIKKUNSIDRAW LI:

13.

l-edukazzjoni formali u t-tagħlim mhux formali u informali huma ta' importanza vitali għall-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali b'mod sħiħ. Iż-żgħażagħ kollha għandu jkollhom aċċess ugwali għall-edukazzjoni, it-taħriġ u s-suq tax-xogħol. Permezz tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni fis-sistema edukattiva tal-pajjiż ta' akkoljenza, huma jkunu jistgħu jwessgħu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom, li jgħinhom b'mod sinifikanti biex isibu impjieg;

14.

it-tagħlim mhux formali u informali huwa ta' appoġġ għall-edukazzjoni formali u jista' jżid l-inklużjoni soċjali u ekonomika taż-żgħażagħ. F'dan il-kuntest, il-ħidma tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u tal-ħaddiema li jaħdmu fost iż-żgħażagħ imwettqa miż-żgħażagħ, magħhom u għalihom, partikolarment dawk li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, hija importanti;

15.

għadd kbir ta' attivitajiet ta' tagħlim mhux formali u informali huma promossi permezz tal-programmi ta' finanzjament tal-UE. Ċerti programmi, bħall-programmi għaż-żgħażagħ, huma aġġustati għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ u huma aċċessibbli minn kull persuna żagħżugħa indipendentament mil-livell edukattiv, l-ambjent u l-għażliet diversi tagħhom;

16.

għadd dejjem jikber ta' studji wrew li nisa u rġiel żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni jibqgħu jiffaċċjaw żvantaġġi kbar fl-edukazzjoni, fis-suq tax-xogħol, u fit-transizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol, minkejja l-fatt li porzjon kbir ta' dan il-grupp ta' persuni kien soċjalizzat jew imwieled fil-pajjiż ta' residenza tagħhom (7). Barra minn dan, id-data tindika lin-nisa żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni huma aktar milquta mill-qgħad u l-esklużjoni soċjali mill-irġiel żgħażagħ;

17.

l-integrazzjoni b'suċċess tal-migranti hija essenzjali għall-prosperità, l-fehim reċiproku u l-komunikazzjoni mhux biss tal-migranti individwali u s-soċjetà lokali iżda wkoll tal-UE kollha, peress li hija tikkontribwixxi kemm għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll għar-rikkezza kulturali;

18.

l-għoti ta' setgħa liċ-ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u liż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni biex iwettqu l-potenzjal tagħhom li jipparteċipaw fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u dak Ewropew huwa fattur essenzjali għall-kisba ta' inklużjoni soċjali akbar u għall-funzjonament sod, sostenibbli u demokratiku u aktar żvilupp tas-soċjetajiet;

19.

ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza jkomplu jkunu ta' tħassib qawwi fl-UE, inkluż għaż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni. Kwalunkwe azzjoni mmirata lejn iż-żgħażagħ, inklużi dawk li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, għandha tirrispetta l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b'mod partikolari il-promozzjoni tan-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tad-data personali u ma għandhiex twassal għal stigmatizzazzjoni ta' kwalunkwe grupp partikolari;

20.

strateġiji li jimmiraw lejn l-inklużjoni Soċjali għandhom jiffaċiltaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni fil-ħajja demokratika, ekonomika, soċjali u kulturali.

JIDENTIFIKAW IL-PRIJORITAJIET LI ĠEJJIN GĦAT-TISĦIĦ TAL-PARTEĊIPAZZJONI U L-INKLUŻJONI SOĊJALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ LI ĠEJJIN MINN AMBJENT TA' MIGRAZZJONI:

Huwa vitali li tiġi promossa l-parteċipazzjoni sħiħa u l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha, speċjalment dawk iż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, b'mod partikolari billi;

21.

iż-żgħażagħ kollha jiġu involuti fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politiki kollha li jaffettwawhom;

22.

jiġu promossi d-djalogu u l-fehim interkulturali; notevolment billi jiġu involuti b'mod attiv persuni li ġejjin minn ambjenti kulturali differenti fis-soċjetà, u b'hekk jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza;

23.

tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel zgħażagħ, b'mod partikolari billi jingħataw aċċess ugwali għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità; u jiġi ffaċilitati transizzjonijiet bla xkiel mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol;

24.

jiġi rikonoxxut ir-rwol prinċipali tat-tagħlim mhux formali u informali, u li jiġu vvalidati l-eżiti tat-tagħlim tiegħu;

25.

jiġi rikonoxxut ir-rwol li għandhom l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inklużi organizzazzjonijiet ta' zgħażagħ migranti u partijiet oħra tas-soċjetà ċivika, fl-appoġġ għall-inklużjoni taż-żgħażagħ;

26.

jiġu involuti b'mod attiv l-awtoritajiet lokali, reġjonali, u nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-politika tal-inklużjoni soċjali; u tiġi mtejba l-kooperazzjoni tagħhom fi kwistjonijiet assoċjati mal-migrazzjoni, inkluż appoġġ għall-parteċipazzjoni u l-inklużjoni soċjali taż-zgħażagħ;

27.

tiġi rikonoxxuta l-importanza tat-tagħlim tal-lingwa(i) uffiċjali tal-pajjiż ta' akkoljenza, kif ukoll ta' lingwi barranin oħra.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI, FL-AMBITU TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ, SABIEX:

28.

jieħdu kont tal-ħtiġijiet speċifiċi u d-diffikultajiet li jaffrontaw iż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni fl-iżvilupp tal-politika u l-għoti tas-servizzi; jipprovdu servizzi li huma aċċessibbli faċilment għaż-żgħażagħ li esperjenzaw jew jinsabu fil-periklu li jesperjenzaw diskriminazzjoni, ksenofobija u razziżmu; jirrikonoxxu li ċ-ċittadinanza attiva taż-żgħażagħ […] hija bbażata ugwalment fuq ir-responsabbiltajiet u l-impenn tagħhom għal parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà;

29.

jippromwovu x-xogħol taż-żgħażagħ u l-politika taż-żgħażagħ, li jistgħu jtejbu l-parteċipazzjoni attiva, l-inklużjoni soċjali, is-solidarjetà u d-djalogu interkulturali taż-żgħażagħ, li jwasslu għall-aċċettazzjoni tad-diversità li qed tikber fost iż-żgħażagħ kollha; jiżviluppaw metodi innovattivi biex titwettaq il-ħidma taż-żgħażagħ f'żoni fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ;

30.

jippromwovu l-iżvilupp personali u l-benesseri taż-żgħażagħ kollha, permezz ta' opportunitajiet tax-xogħol taż-żgħażagħ, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom u jsiru membri tas-soċjetà attivi u involuti;

31.

jappoġġaw l-involviment u l-parteċipazzjoni attiva fiż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni fil-komunitajiet lokali tagħhom, b'mod partikolari rigward l-opportunitajiet ta' tagħlim nonformali u informali;

32.

iżidu l-aċċessibbiltà għal attivitajiet kulturali, sportivi u ta' divertiment, minħabba li huma għodod importanti għall-inklużjoni soċjali ta' żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni u ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE;

33.

jiżviluppaw sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ kif ukoll jipprovdu l-għalliema bit-taħriġ u l-kompetenzi meħtieġa, li jwieġbu għall-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull min jitgħallem, inkluż appoġġ aħjar għat-tagħlim għaż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni;

34.

jippromwovu l-multilingwiżmu ta' ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni u jappoġġaw il-kisba tal-lingwa(i) uffiċjali fil-pajjiż fejn jgħixu, sabiex ikunu jistgħu jiksbu għarfien u jipparteċipaw b'mod sħiħ f'attivitajiet edukattivi, kulturali u soċjali;

35.

jikkooperaw ma' ħaddiema u organizzazzjonijiet li jaħdmu fost iż-żgħażagħ, inklużi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, biex jiżviluppaw, jippromwovu u jappoġġaw attivitajiet ta' tagħlim aċċessibbli bejn il-pari sabiex irawmu r-rispett, it-tolleranza u l-fehim interkulturali reċiproċi;

36.

jippromwovu l-inklużjoni soċjali fis-soċjetà ta' informazzjoni billi pereżempju jissaħħaħ il-litteriżmu tal-media fost iż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni;

37.

jappoġġaw ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni huma u jagħmlu t-transizzjoni mill-edukazzjoni jew it-taħriġ għax-xogħol u jiżguraw aċċess ugwali għaż-żgħażagħ kollha għal skemi ta' garanzija taż-żgħażagħ skont il-leġiżlazzjoni u s-servizzi nazzjonali;

38.

jippromwovu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni fl-istrutturi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u jsaħħu l-parteċipazzjoni u l-kontribut effettivi tagħhom għall-politika u l-programmi li jaffettwawhom;

39.

jappoġġaw in-netwerking u jistimulaw sħubijiet strateġiċi bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, l-awtoritajiet fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali kif ukoll fis-settur privat biex jiġu organizzati proġetti u avvenimenti mmexxija miż-żgħażagħ li jirrikonoxxu d-diversità u jippromwovu l-inklużjoni.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FL-AMBITU TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM U B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ, SABIEX:

40.

jinvolvu liż-żgħażagħ kollha fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika kollha li taffettwahom;

41.

janalizzaw is-sitwazzjoni differenzjata skont is-sessi ta' żgħażagħ nisa u rġiel li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni u jistabbilixxu miżuri għal opportunitajiet ugwali u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

42.

jirrikonoxxu r-rwol importanti li taqdi s-soċjetà lokali billi tappoġġa żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni biex iwessgħu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi tagħhom, permezz ta' edukazzjoni formali u dik mhix formali u tagħlim informali u opportunitajiet ta' żvilupp;

43.

jagħmlu l-awqa użu mis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 bil-ħsieb li jingħata enfasi fuq il-mobbiltà u l-parteċipazzjoni sħiħa ta' ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE fis-soċjetà Ewropea u tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet taċ-ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni biex jippromwovu l-koeżjoni u l-fehim reċiproku;

44.

jippromwovu l-kooperazzjoni transettorjali u s-sinerġija ta' diversi partijiet interessati li jittrattaw kwistjonijiet ta' migrazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u Ewropew;

45.

jappoġġaw programmi u attivitajiet biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-impjiegi u tittejjeb l-impjegabbiltà ta' ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, permezz ta' gwida għall-karriera u informazzjoni dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta' taħriġ;

46.

janalizzaw il-possibbiltajiet ta' informazzjoni u servizzi ta' konsulenza għaż-żgħażagħ biex jimmiraw liż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, sabiex jingħataw informazzjoni u konsulenza mfassla apposta u innovattiva permezz ta' metodi wiċċ imb'wiċċ u dawk online;

47.

jinkoraġġixxu u jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, inklużi l-organizzazzjonijiet għal żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, u l-mezzi tal-informazzjoni biex jippromwovu stampa imparzjali ta' żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni sabiex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali;

48.

jilqgħu l-adozzjoni ta' rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill dwar il-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali u jirrikonoxxu r-rwol tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fost l-oħrajn bħala fornituri ewlenin ta' tagħlim mhux formali u informali, li huwa ta' importanza kbira għaż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni;

49.

jistinkaw biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi tal-UE u strumenti oħra li jimmiraw liż-żgħażagħ tkun aċċessibbli u adattata għall-ħtiġijiet taż-żgħażagħ kollha u jissaħħu l-appoġġ u l-finanzjament ta' attivitajiet taż-żgħażagħ fil-livelli kollha li jiffukaw fuq l-inklużjoni soċjali u d-djalogu interkulturali ta' żgħażagħ mill-pajjiżi tal-UE u ta' dawk li mhumiex fl-UE.

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI, FIL-KOMPETENZA TAGĦHA BIEX:

50.

tippromwovi l-prattiki tajba dwar l-“Inklużjoni Soċjali” ta' ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE u żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni, ibbażati fuq studji rilevanti, bħar-rapport dwar il-politika taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka dwar l-ICTs għal żgħażagħ żvantaġġati u l-istudju dwar il-Valur tax-xogħol taż-żgħażagħ, li ser juru attivitajiet ta' xogħol taż-żgħażagħ u l-valur tagħhom għal żgħażagħ fl-UE;

51.

issaħħaħ sinerġiji bejn politiki rilevanti, b'mod partikolari r-rabta bejn l-istrateġija taż-Żgħażagħ tal-UE u l-prijorità tat-“Tkabbir Inklużiv” tal-Ewropa 2020;

52.

tiġbor iktar evidenza u għarfien dwar is-suġġetti tal-Parteċipazzjoni u l-Inklużjoni Soċjali taż-żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni u ċ-ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE.


(1)  Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

(3)  Għall-finijiet ta' dawn il-konklużjonijiet it-terminu “Żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni” ser jintuża biex jiddeskrivi żgħażagħ residenti legalment li huma ċittadini ta' pajjiż terz irrispettivament minn fejn twieldu u dawk li saru ċittadini tal-Istat Membru iżda li l-ġenituri tagħhom twieldu barra mill-UE. Għall-finijiet ta' dawn il-konklużjonijiet, it-terminu “ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE” ser jintuża biex ikopri dawk iċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu f'pajjiż tal-UE fejn la twieldu huma u lanqas il-ġenituri tagħhom, b'hekk jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu u residenza skont it-Trattat. Hemm differenza ċara bejn l-oqfsa legali li japplikaw għal ċittadini ta' pajjiż terz u għal Ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu. Ta' min jinnota li l-miżuri kollha li jirreferu għall-integrazzjoni japplikaw għal ċittadini ta' pajjiż terz waqt li l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà lokali japplikaw kemm għaċ-ċittadini żgħażagħ mobbli tal-UE kif ukoll għal żgħażagħ li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni.

(4)  Eurostat-Statistics in focus, 31/2012.

(5)  Sors Eurostat (migr_pop2ctz).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE tal-25 ta’ Ġunju 2007 li tistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-perjodu mill-2007 sal-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta’ Migrazzjoni (ĠU L 168, 28.6.2007, p. 18).

(7)  L-Istudju tal-FRA dwar il-migranti, il-minoranzi u l-impjiegi (2011).


ANNESS

Sfond politiku

1.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2001 dwar il-promozzjoni tal-inizjattiva, tal-intraprendenza u tal-kreattività taż-żgħażagħ: tal-inklużjoni tal-awtonomija (1).

2.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b'anqas opportunitajiet (2).

3.

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2009 dwar l-edukazzjoni ta’ tfal bi sfond ta’ migrazzjoni (3).

4.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) (4).

5.

Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Novembru 2010 dwar ir-rwol tal-isport bħala sors u mutur tal-inklużjoni soċjali attiva (5).

6.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ (6).

7.

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar l-inklużjoni attiva taż-żgħażagħ: ġlieda kontra l-qgħad u l-faqar (7).

8.

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Indirizzar tal-faqar tat-tfal u l-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal — adottati fis-17 ta' Ġunju 2011 (8).

9.

Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2011 dwar kompetenzi lingwistiċi għat-tisħiħ tal-mobilità (9).

10.

Konklużjonijiet dwar l-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi adottati mill-Kunsill ĠAI, f'Diċembru 2011 (10).

11.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi (11).

12.

Ewropa 2020 — Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (12).


(1)  ĠU C 196, 12.7.2001, p. 2.

(2)  ĠU C 141, 7.6.2008, p. 1.

(3)  ĠU C 301, 11.12.2009, p. 5.

(4)  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.

(5)  ĠU C 326, 3.12.2010, p. 5.

(6)  ĠU C 327, 4.12.2010, p. 1.

(7)  ĠU C 137, 27.5.2010, p. 1.

(8)  Dok. 11844/11.

(9)  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 27.

(10)  Dok. 18296/11.

(11)  COM(2011) 455 finali.

(12)  COM(2010) 2020 finali.


19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/20


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2012 dwar it-tisħiħ tal-bażi ta' evidenza għat-tfassil tal-politika dwar l-isport

2012/C 393/06

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

1.   FILWAQT LI JFAKKRU:

1.

fil-mandat tal-UE, f'konformità mal-Artikolu 165 TFUE, biex tiġi żviluppata d-dimensjoni Ewropea fl-isport u jiġu promossi kwistjonijiet tal-isport Ewropew;

2.

fil-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014 (1), adottat fl-20 ta' Mejju 2011, li ta prijorità għolja lill-ħidma lejn politika dwar l-isport ibbażata fuq l-evidenza fil-livell tal-UE u li stabbilixxiet Grupp ta' Esperti dwar l-Istatistika tal-Isport bil-mandat li jirrakkomanda mezzi għall-promozzjoni ulterjuri tal-ġbir ta' data fil-qasam tal-isport ibbażata fuq il-ħidma li għaddejja;

3.

fil-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isport tas-7 ta' Lulju 2007 (2) u l-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport tat-18 ta' Jannar 2011 (3), li ssottolinjaw l-importanza ta' bażi ta' evidenza soda bħala sostenn għat-tfassil tal-politika dwar l-isport, inkluż data komparabbli mifruxa mal-UE dwar aspetti soċjali u ekonomiċi tal-isport, u li jistabbilixxu azzjoni konkreta biex tiġi indirizzata din il-ħtieġa;

4.

fil-kooperazzjoni strutturata fil-livell tal-UE bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-istatistika dwar l-isport, iffaċilitata mill-Kummissjoni, li ilha għaddejja mill-2006 u li wasslet għall-iżvilupp ta' metodoloġija komuni għall-kalkolu tal-importanza ekonomika tal-isport, ibbażata fuq definizzjoni miftiehma tal-UE (“Id-Definizzjoni ta' Sport ta' Vilnius”), u l-iżvilupp tal-Kontijiet Satellita għall-Isport (Sport Satellite Accounts (4)) f'diversi Stati Membri;

5.

fl-istudji mifruxin mal-UE li tnedew mill-Kummissjoni fl-2010 u l-2011 rispettivament dwar “Il-kontribut tal-isport għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE” u dwar “Funzjoni ta' monitoraġġ possibbli futura għall-isport fl-UE” (5);

6.

fl-ewwel Konferenza tal-UE dwar l-Istatistika tal-Isport, li saret fi Brussell fit-23 ta' Marzu 2011, li kkonfermat l-importanza ta' data aħjar u aktar komparabbli dwar l-isport (6).

2.   FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW LI:

1.

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali għandha impatt kbir fuq in-nefqa pubblika fl-UE, li twassal biex ħafna Stati Membri jimmiraw ir-riżorsi lejn l-oqsma ta' politika li jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi;

2.

Għalkemm twettqet riċerka dwar l-impatt ekonomiku tal-isport f'livelli differenti, ir-riżultati ġeneralment ma setgħux jitqabblu minn pajjiż għall-ieħor. Illum il-ġurnata, hemm evidenza dejjem tikber li l-isport jagħti kontribut sinifikanti lill-ekonomija tal-Ewropa u huwa mutur importanti għat-tkabbir u l-impjiegi (7), waqt li jiżgura wkoll l-koeżjoni soċjali, il-benesseri u l-iżvilupp ta' ħiliet personali (8), li b'hekk jagħti kontribut distint għall-kisba tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020.

3.

Skont studju riċenti mifrux mal-UE, is-sehem tal-isport jammonta għal 1,76 % tal-valur miżjud gross globali fl-UE (9). Meta jittieħed kont tal-effetti multiplikaturi, is-sehem tal-isport jiżdied ukoll sa 2,98 % tal-valur miżjud gross globali fl-UE. Barra minn hekk, it-tkabbir fis-settur tal-isport wera li jirrikjedi ħafna ħaddiema, kif rifless minn sehem ogħla tal-isport fl-impjieg kollu tal-UE (li jammonta għal 2,12 %) milli fil-valur miżjud gross. Minħabba l-intensità sproporzjonatament għolja tal-impjiegi tiegħu, l-isport għandu rwol importanti biex jassigura l-impjiegi;

4.

Il-ġbir ta' varjetà ta' data marbuta mal-isport u l-użu tagħha fit-tfassil ta' politika jista' jżid il-kwalità tal-politika tal-isport. F'dan ir-rigward, il-kontijiet satellita għall-isport jitqiesu bħala strument prezzjuż li jiġġenera l-evidenza għat-tfassil tal-politika dwar l-isport. Sar progress eċċellenti f'xi Stati Membri meta huma kejlu l-importanza ekonomika tal-isport permezz tat-twaqqid ta' Kont Satellita għall-Isport fil-livell nazzjonali.

5.

Il-kooperazzjoni msaħħa għat-titjib tal-livell ta' għarfien dwar l-isport fl-UE tista' tinkiseb l-aħjar permezz ta' kooperazzjoni transettorjali bejn l-akkademiċi, l-industrija tal-isport, il-moviment tal-isport kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej, inklużi l-uffiċċji ta' statistika;

6.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru wera li huwa għodda siewja biex jitqabblu xejriet fost l-Istati Membri fuq perijodu ta' żmien fir-rigward tal-eżitu ta' politika differenti dwar l-isport; dan ma jistax, madankollu, jieħu post data statistika soda pprovduta mill-Eurostat permezz tas-sistema statistika Ewropea;

7.

F'konformità mal-mandat tiegħu, il-Grupp ta' Esperti dwar l-Istatistika tal-Isport żviluppa l-ewwel sett ta' riżultati tanġibbli (10) rigward aspetti speċifiċi ta' bażi ta' evidenza aktar imsaħħa għall-isport. Dan jinkludi:

rakkomandazzjonijiet tal-politika bbażati fuq l-istudju dwar il-kontribut tal-isport għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE, u

manwal għall-uffiċċji tal-istatistika nazzjonali dwar kif għandhom jitwaqqfu l-Kontijiet Satellita għall-Isport.

8.

L-iżvilupp ta' bażi ta' evidenza mtejba għat-tfassil tal-politika tal-isport għandu jieħu kont tal-limiti baġitarji fil-livell nazzjonali u dak Ewropew li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja u ekonomika.

3.   JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE:

1.

Ikomplu l-progress fl-iżvilupp volontarju tal-Kontijiet Satellita għall-Isport abbażi tal-istrumenti metodoloġiċi disponibbli, permezz tal-użu tal-istrutturi ta' kooperazzjoni eżistenti fil-livell tal-UE u billi jippruvaw jinvolvu strutturi governattivi rilevanti, inkluż uffiċċji nazzjonali tal-istatistika.

2.

Jinkoraġġixxu u jappoġġaw inizjattivi mmirati biex itejbu l-ġbir u t-tixrid tal-informazzjoni u d-data rigward l-isport, inkluż id-data nazzjonali eżistenti, bħala mezz biex tissaħħaħ il-politika dwar l-isport ibbażata fuq l-evidenza.

4.   JISTIEDNU LILL-PRESIDENZA TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, L-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM BIEX:

1.

Itejbu l-bażi ta' evidenza dwar l-aspetti soċjali u ekonomiċi tal-isport fl-UE u l-Istati Membri tagħha, pereżempju billi jinkludu dawn is-suġġetti fil-Programm Statistiku Ewropew 2013-2017 u Programmi ta' Ħidma Statistiċi Annwali sussegwenti.

2.

Jippruvaw itejbu l-kooperazzjoni bejn l-istrutturi istituzzjonali rilevanti għall-isport u għall-istatistika fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-ħtieġa ta' data soda u soda dwar l-isport.

3.

Jippromwovu fehim usa', b'kont meħud tal-evidenza eżistenti, tar-rwol kruċjali tal-isport bħala mutur għat-tkabbir, l-impjiegi u l-iżvilupp ta' ħiliet, kif ukoll għall-koeżjoni soċjali, fl-ambitu tat-tfassil tal-politika nazzjonali u reġjonali kif ukoll tal-istrateġija Ewropa 2020.

5.   JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

1.

Abbażi tal-ħidma preċedenti f'dan il-qasam, bl-użu ta' strumenti ta' finanzjament disponibbli u dawk futuri tal-UE, tikkunsidra li tappoġġa sforzi nazzjonali biex jiġu żviluppati Kontijiet Satellita għall-Isport.

2.

Tippromwovi t-tisħiħ tal-bażi ta' evidenza għall-isport, b'mod partikolari billi tappoġġa, abbażi tal-ħidma preċedenti f'dan il-qasam, sforzi nazzjonali biex jiġu żviluppati Kontijiet Satellita għall-Isport u l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiki fil-livell tal-UE sabiex jitkejjel b'mod empiriku l-kontribut tal-isport għat-tkabbir ekonomiku u għas-salvagwardja u l-espansjoni tal-impjiegi fl-Ewropa;

l-identifikazzjoni tal-eżiġenzi ta' data ewlenin għat-tfassil tal-politika dwar l-isport fl-Ewropa, bħall-parteċipazzjoni fl-isport, u sussegwentement, il-ħidma għall-ġbir u t-tixrid ta' data dwar l-isport mifruxa mal-UE f'dawn l-oqsma;

it-tnedija u t-tixrid tal-istħarriġ tal-UE, bħall-Ewrobarometru, u studji f'konformità mal-prijoritajiet politiċi għall-isport identifikati mill-Kunsill, u billi l-isport jiġi inkluż fi stħarriġ tal-Eurostat eżistenti.


(1)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

(2)  White Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Isport, COM(2007) 391 final.

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “L-iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport”, COM(2011) 12 final.

(4)  Sistema ta' kontijiet satellita (hawnhekk: kont satellita għall-isport — SSA) hija definita bħala qafas statistiku sod li jkejjel l-importanza ekonomika ta' industrija speċifika (hawnhekk: is-settur tal-isport) fl-ekonomija nazzjonali.

(5)  http://ec.europa.eu/sport/preparatory_actions/studies-surveys-conferences-and-seminars_en.htm

(6)  http://ec.europa.eu/sport/news/eu-conference-on-sport-statistics_en.htm

(7)  Taqsira eżekuttiva “Studju dwar il-kontribut tal-isport għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE”: http://ec.europa.eu/sport/library/documents/b1/eusf2012-executive-summary-study-costegaeiteu-august-2012.pdf. Wieħed mill-objettivi speċifiċi tal-istudju kien li jiġi żviluppat qafas metodoloġiku li jqis l-impatt ekonomiku tal-isport fl-UE. Biex wieħed jasal għal dan tal-aħħar, l-istudju inkorpora l-estimi nazzjonali kollha f'sistema multireġjonali ta' kontijiet satellita għall-isport (li jinterpreta kull Stat Membru bħala rappreżentattiv ta' entità reġjonali tal-UE-27) f'konformità mad-Definizzjoni tal-Isport ta' Vilnius.

(8)  Ħiliet u kompetenzi personali — l-abbiltà li wieħed jaħdem fi grupp, id-dixxiplina, l-inizjattiva, il-perseveranza, il-ħiliet organizzattivi — miksuba billi wieħed jieħu sehem jew jorganizza sport fil-livell l-aktar bażiku, jaqdu rwol essenzjali fit-tħejjija tal-individwi għal suq tax-xogħol fejn ħiliet bħal dawn huma ta' valur kbir.

(9)  Is-sehem tal-isport fil-valur miżjud Ewropew huwa għalhekk komparabbli mas-sehem tal-agrikoltura, il-forestrija, u s-sajd flimkien u madwar 2,5 darbiet aktar mill-minjieri u l-barrieri, u jirrappreżenta mill-anqas aktar minn għoxrin fil-mija tal-attivitajiet tas-servizzi finanzjarji, inkluż fondi tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet. Wieħed minn kull sittin Euro ġġenerata u maqlugħa fl-UE hija relatata mal-isport. “Studju dwar il-kontribut tal-isport għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-UE”: http://ec.europa.eu/sport/library/documents/b1/eusf2012-executive-summary-study-costegaeiteu-august-2012.pdf

(10)  http://ec.europa.eu/sport/library/documents


19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 393/22


Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, fis-27 ta' Novembru 2012 dwar il-promozzjoni tal-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa (HEPA)

2012/C 393/07

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

1.   FILWAQT LI JFAKKRU L-ISFOND POLITIKU GĦAL DIN IL-KWISTJONI KIF IMNIŻŻEL FL-ANNESS, U B'MOD PARTIKOLARI:

1.

Il-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isports għall-2011-2014 (1), adottat fl-20 ta' Mejju 2011, li identifika l-attività fiżika li ttejjeb is-saħħa (HEPA) bħala tema ta' prijorità għall-kooperazzjoni fl-isports fil-livell tal-UE u li stabbilixxa Grupp Espert dwar l-Isports, is-Saħħa u l-Parteċipazzjoni b'mandat li jesplora modi sabiex jippromwovi l-HEPA u l-parteċipazzjoni fl-isports għal kulħadd;

2.

Il-White Paper tal-Kummissjoni dwar l-Isports tas-7 ta' Lulju 2007 (2), li enfasizzat l-importanza tal-attività fiżika u stipulat pjan għall-Kummissjoni sabiex tipproponi linji gwida għall-attività fiżika sal-aħħar tal-2008; u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isports tat-18 ta' Jannar 2011 (3), li rrikonoxxiet li l-isports jikkostitwixxi parti fundamentali ta' kwalunkwe approċċ ta' politika pubblika li għandha l-għan li ttejjeb l-attività fiżika u appellat għal aktar progress lejn l-istabbiliment ta' linji gwida nazzjonali, inkluż proċess ta' reviżjoni u koordinament;

2.   FILWAQT LI JIEĦDU NOTA TA':

1.

Il-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika, li ntlaqgħu fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza f'Laqgħa Informali tal-Ministri tal-UE responsabbli għall-Isports f'Novembru 2008, jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni ta' linji ta' politika trasversali li jippromwovu l-attività fiżika, għall-popolazzjoni kollha, irrispettivament mill-klassi soċjali, l-età, is-sess, ir-razza, l-etniċità u l-kapaċitajiet fiżiċi (4);

3.   FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW LI:

1.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) reċentement identifikat l-attività fiżika insuffiċjenti bħala r-raba' fattur ta' riskju ewlieni għal mortalità prematura u mard globali (5).

2.

L-attività fiżika hija waħda mill-aktar modi effettivi għall-prevenzjoni ta' mard li ma jitteħidx u għall-ġlieda kontra l-obeżità (6). Hemm ukoll evidenza li qiegħda tiżdied dwar il-korrelazzjoni pożittiva bejn l-eżerċizzju u s-saħħa mentali u l-proċessi konjittivi (7). In-nuqqas ta' attività fiżika tikkawża effetti detrimentali mhux biss għas-saħħa individwali tal-persuna iżda wkoll għas-sistemi tas-saħħa u l-ekonomija b'mod ġenerali, minħabba l-ispejjeż ekonomiċi sinifikanti diretti u indiretti ta' nuqqas ta' attività fiżika (8). Permezz tal-benefiċċji tagħha fir-rigward tal-prevenzjoni, it-trattament u r-rijabilitazzjoni, l-attività fiżika għandha benefiċċji għal kull età u rilevanza partikolari fid-dawl tal-popolazzjoni Ewropea li qed tixjiħ u ż-żamma ta' kwalità għolja ta' ħajja fl-etajiet kollha.

3.

Minħabba ż-żieda fis-sensibilizzazzjoni dwar l-importanza tal-HEPA tul il-ħajja, il-promozzjoni tal-attività fiżika ngħatat spinta f'livelli differenti u permezz ta' strateġiji, linji ta' politika u programmi differenti. Saru sforzi importanti f'xi Stati Membri tal-UE sabiex jippermettu u jinkoraġġixxu liċ-ċittadini sabiex isiru aktar attivi fiżikament. Is-sensibilizzazzjoni li tippromwovi l-attività fiżika, bl-involviment tas-settur tal-isports, tista' tkun utli sabiex tilħaq iċ-ċittadini.

4.

Inġenerali, il-proporzjon taċ-ċittadini tal-UE li jilħqu l-livelli rakkomandati tal-attività fiżika ma żdiedx fis-snin reċenti; f'xi pajjiżi, il-livelli tal-attività fiżika qed jonqsu (9). Ir-rati għolja attwali tan-nuqqas ta' attività fiżika jikkostitwixxu tħassib kbir għall-UE u l-Istati Membri tagħha, kemm minn perspettiva tas-saħħa, dik soċjali u dik ekonomika.

5.

Il-promozzjoni effettiva tal-attività fiżika li twassal għal żieda fir-rati tal-attività fiżika għandha tinvolvi setturi differenti kif stipulat fil-paragrafu 6, inkluż is-settur tal-isports minħabba li l-attività sportiva u l-isports għal kulħadd huma fost is-sorsi ewlenin tal-attività fiżika.

6.

Il-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika jipprovdu bażi tajba biex jinkoraġġixxu linji ta' politika trasversali mmirati biex jippromwovu l-attività fiżika, partikolarment fl-oqsma tal-isports, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent, l-ippjanar urban u t-trasport, billi joffru gwida lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-HEPA.

7.

Xi Stati Membri diġà implimentaw il-Linji Gwida jew ċerti prinċipji li jsostnuhom fil-linji ta' politika u l-istrateġiji nazzjonali proprji tagħhom. B'mod ġenerali, madankollu, hemm diverġenzi kbar bejn l-approċċi tal-Istati Membri u l-implimentazzjoni tal-linji ta' politika tal-HEPA kif prevista mil-linji gwida tista' titjieb aktar.

8.

Sett ta' miżuri rakkomandati fir-rigward tal-aspetti speċifiċi ta' promozzjoni aktar effettiva tal-HEPA ġie identifikat mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Isports, is-Saħħa u l-Parteċipazzjoni, f'konformità mal-mandat tiegħu. Dawn jinkludu (10):

kontribut għall-inizjattiva tal-UE biex titkompla l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika fl-Istati Membri permezz ta' skema ta' monitoraġġ ħafifa;

gwida għall-kooperazzjoni msaħħa bejn is-settur tal-isports u dak tas-saħħa fl-Istati Membri;

sett ta' prinċipji dwar il-kontribut tal-attività fiżika għat-tixjiħ attiv fl-UE u fl-Istati Membri tagħha.

4.   JAPPELLAW LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE BIEX:

1.

Ikomplu bil-progress fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' strateġiji u linji ta' politika trasversali mmirati lejn il-promozzjoni tal-attività fiżika b'kont meħud tal-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika jew il-prinċipji li jsostnuhom.

2.

Jinkoraġġixxu u jappoġġaw inizjattivi fil-livell adatt immirati għall-promozzjoni tal-attività fiżika fi ħdan is-settur tal-isports, bħal pereżempju, linji gwida speċifiċi biex jitjiebu l-opportunitajiet għal attività fiżika fi klabbs sportivi lokali, programmi speċifiċi introdotti minn organizzazzjonijiet sportivi fi ħdan sport partikolari u permezz ta' sports għal kulħadd jew azzjonijiet speċifiċi fi klabbs tat-taħriġ fiżiku, li jistgħu jkunu applikati mill-moviment sportiv u s-settur tat-taħriġ fiżiku u li jistgħu jiffaċilitaw kooperazzjoni ma' setturi oħrajn, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni u s-saħħa.

3.

Jinkoraġġixxu l-inklużjoni tal-attività fiżika li tappoġġa t-tixjiħ attiv f'linji ta' politika nazzjonali u l-iskemi ta' finanzjament għall-isports u konsegwentement jikkunsidraw proġetti mmirati għall-promozzjoni tal-HEPA fost l-anzjani waqt li jittieħed kont ta' livelli differenti ta' kapaċità funzjonali.

4.

Kif adatt u skont is-sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa, jippromwovu kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-setturi tal-isports, tal-kura tas-saħħa u oħrajn, b'kont meħud tal-aħjar prattiki żviluppati f'xi Stati Membri.

5.

Jikkunsidraw l-użu ta' sensibilizzazzjoni u l-għoti ta' informazzjoni, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak lokali, biex jiġi stimulat l-interess taċ-ċittadini biex jadattaw għal stil ta' ħajja aktar attiva.

5.   JISTIEDNU LILL-PRESIDENZA TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, L-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM BIEX:

1.

Jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn dawk l-oqsma ta' politika li, f'konformità mal-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika, jieħdu r-responsabbiltà għall-promozzjoni tal-attività fiżika, b'mod partikolari s-setturi tal-isports, is-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent, l-ippjanar urban u t-trasport.

2.

Fir-rigward tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, jiżguraw li l-prinċipji għall-attività fiżika li jappoġġaw it-tixjiħ attiv żviluppati mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Isports, is-Saħħa u l-Parteċipazzjoni jiġu kkunsidrati, fejn adatt, fis-segwitu politiku tas-Sena u fl-isports nazzjonali għall-istrateġiji kollha.

3.

Itejbu l-bażi ta' evidenza għal linji ta' politika mfassla biex jippromwovu l-HEPA u l-parteċipazzjoni fl-isports fl-UE u fl-Istati Membri tagħha, bl-inklużjoni tal-attività fiżika fil-Programm Ewropew tal-Istatistika 2013-2017.

6.   JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

1.

Fid-dawl tal-ħidma preċedenti f'dan il-qasam, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika, tagħmel proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-HEPA, u tikkunsidra li tinkludi qafas ta' monitoraġġ ħafif biex jiġi evalwat il-progress bl-għajnuna ta' sett limitat ta' indikaturi li jibni għall-akbar limitu possibbli fuq is-sorsi ta' data disponibbli, kif identifikat mill-Grupp ta' Esperti dwar l-Isports, is-Saħħa u l-Parteċipazzjoni.

2.

Toħroġ stħarriġ regolari dwar l-isports u l-attività fiżika, u tieħu kont tar-riċerka relatata mal-HEPA fi programm ta' riċerka futur tal-UE.

3.

Tippromwovi u tappoġġa l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-UE fir-rigward tal-HEPA u l-parteċipazzjoni fl-isports, fost l-oħrajn permezz tal-appoġġ għal proġetti u t-tixrid tar-riżultati tagħhom taħt skemi u programmi ta' finanzjament rilevanti tal-UE. Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki tista' tkun relatata ma':

L-edukazzjoni, l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni pubblika fil-livelli adatti kollha;

Il-kooperazzjoni bejn is-setturi ta' politika rilevanti u l-involviment ta' partijiet interessati rilevanti għall-implimentazzjoni tal-linji gwida eżistenti;

Ir-rwol tal-moviment sportiv, b'mod partikolari l-klabbs, u l-isports għall-organizzazzjonijiet kollha;

L-istrateġiji, il-linji ta' politika u l-programmi b'suċċess, inklużi r-riżultati tal- evalwazzjoni;

Il-miżuri ta' politika u dawk leġiżlattivi possibbli li wrew li huma effettivi fl-indirizzar tan-nuqqas ta' attività fiżika fl-Istati Membri tal-UE individwali.

4.

Tikkunsidra li tiġi stabbilita Ġimgħa Ewropea għall-Isport ta' kull sena (b'kont meħud tal-aspetti finanzjarji u organizzattivi tagħha) bħala mezz biex tiġi promossa l-attività fiżika u l-parteċipazzjoni fl-isport fil-livelli kollha billi jittieħed kont ta' inizjattivi nazzjonali simili u f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tal-isport. Tali ġimgħa għandha tibni fuq il-kampannji eżistenti ta' sensibilizzazzjoni, billi tieħu kont tat-tagħlimiet meħuda minnhom u billi jinżidilhom il-valur, u għandha tutilizza l-legat tal-proġetti relatati ffinanzjati permezz tal-Azzjoni Preparatorja tal-2009 fil-qasam tal-isport, kif ukoll ir-riżultati mill-proġetti ffinanzjati permezz tas-sejħa relatata għal proposti skont l-Azzjoni Preparatorja tal-2012 li tkopri s-sensibilizzazzjoni fl-isport.


(1)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

(2)  dok. 11811/07 — COM(2007) 391 final.

(3)  dok. 5597/11 — COM(2011) 12 final.

(4)  Linji Gwida tal-UE għall-Attività Fiżika: http://ec.europa.eu/sport/library/documents/c1/eu-physical-activity-guidelines-2008_en.pdf. Konklużjonijiet tal-Presidenza Franċiża dwar l-isport u s-saħħa: http://ec.europa.eu/sport/library/documents/b21/ue08pfue_conclusions_presidence_definitives_en.pdf

(5)  Rakkomandazzjonijiet Globali dwar l-Attività Fiżika għas-Saħħa, WHO, 2010.

(6)  http://www.who.int/healthinfo/global_burden_disease/global_health_risks/en/index.html

(7)  http://www.health.gov/paguidelines/Report/pdf/CommitteeReport.pdf

(8)  WHO Ewropa (2007): Qafas Ewropew għall-promozzjoni tal-attività fiżika għas-saħħa.

(9)  Kummissjoni Ewropea: Ewrobarometru Speċjali 183-6 (Diċembru 2003), 246 (Novembru 2006), 213 (Novembru 2004) u 334 (Marzu 2010).

(10)  http://ec.europa.eu/sport/news/20120803-eu-xg-shp-fin-rpt_en.htm


ANNESS

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 u t-2 ta' Diċembru 2011 dwar l-għeluq ta' lakuni fis-saħħa fl-UE permezz ta' azzjoni miftiehma li tippromwovi mġiba għal stil ta' ħajja san (1);

White Paper tal-Kummissjoni Ewropea “Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta’ saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità” (2);

Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012) (3), inkluż ir-rwol tal-attività fiżika f'dan il-kuntest.


(1)  Dok. 16708/11.

(2)  Dok. 9838/07 — COM(2007) 279 final.

(3)  ĠU L 246, 23.9.2011, p. 5.