ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.318.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 318

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
20 ta' Ottubru 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-QORTI TAL-AWDITURI

2012/C 318/01

Opinjoni Nru 6/2012 (skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f’Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni — Orizzont 2020 (2014-2020)

1

MT

 


III Atti preparatorji

IL-QORTI TAL-AWDITURI

20.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/1


OPINJONI Nru 6/2012

(skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f’“Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni — Orizzont 2020 (2014-2020)”

2012/C 318/01

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI …

1–3

2

SOMMARJU …

I–XIII

3

OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI …

4–8

4

OSSERVAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI …

9–38

5

Qafas Strateġiku Komuni …

9

5

Sensiela koerenti ta’ regoli għall-parteċipazzjoni …

10–14

5

Mudell ġdid ta’ finanzjament tal-ispejjeż …

15–20

6

Kriterji ta’ eliġibilità u ta’ finanzjament semplifikati …

21–23

6

L-istrateġija ta’ kontroll tal-Kummissjoni …

24–32

7

Tipi ġodda ta’ finanzjament …

33–35

8

Innovazzjoni …

36–38

9

ANNESS —

Objettivi u prijoritajiet li jispiraw il-miżuri ta’ semplifikazzjoni fil-“pakkett regolatorju”

 

10

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 179 sa 190 u 287(4), it-tieni sottoparagrafu, tiegħu;

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (1), kif l-aħħar emendat mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2);

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007 (4);

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri tar-riċerka u universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni tar-riżultati ta' riċerka (2007-2013) (5);

Wara li kkunsidrat is-sett ta’ proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (2014-2020) (COM(2011) 809 finali), il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f’“Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – ‘Orizzont 2020’ (2014-2020)” (COM(2011) 810 finali), il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta “Orizzont 2020” – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (COM(2011) 811 finali), u l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (2014-2018) li jikkumplimenta Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (COM(2011) 812 finali);

Wara li kkunsidrat it-talba tal-Kunsill tas-6 ta’ Jannar 2012 għal opinjoni dwar ir-regoli għall-parteċipazzjoni;

Wara li kkunsidrat il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (COM(2011) 808 finali) appoġġata mid-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal (SEC(2011) 1427 finali u SEC(2011) 1428 finali);

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 174 finali bit-titlu “Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Jannar tal-2011 dwar tliet miżuri għas-simplifikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/970/Euratom u d-Deċiżjonijiet ta' emenda C(2007) 1509 u C(2007) 1625”;

Wara li kkunsidrat ir-Rapporti Annwali u Speċjali tal-Qorti, u l-Opinjonijiet tagħha Nru 1/2006 dwar il-proposta għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi regoli għall-parteċipazzjoni tal-inpriżi, iċ-ċentri tar-riċerka u l-universitajiet f’azzjonijiet taħt is-Seba’ Programm Qafas tal-Komunità Ewropea u għat-tifrix tar-riżultati tar-riċerka (2007-2013) (6), Nru 1/2010 dwar it-Titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-baġit tal-Unjoni Ewropea: Riskji u Sfidi (7), Nru 6/2010 fuq proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (8) u Nru 7/2011 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimuu tas-Sajd koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (9);

ADOTTAT L-OPINJONI LI ĠEJJA:

INTRODUZZJONI

1.

Il-predeċessur ta’ “Orizzont 2020”, is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7), ġibed ħafna kritika minħabba l-kumplessità tal-programm (pereżempju l-varjetà ta' skemi u strumenti ta' finanzjament) u r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni (pereżempju inkonsistenza fl-applikazzjoni tar-regoli jew l-implimentazzjoni ta' proċeduri) (10). Minħabba f’hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea taw l-ogħla prijorità politika biex jiġu ssimplifikati l-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Unjoni (11). Il-Kummissjoni kienet diġà introduċiet miżuri biex tirrimedja wħud min-nuqqasijiet attwali matul l-eżistenza tal-FP7. Pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2011 ippermettiet, taħt ċerti kundizzjonijiet, li l-benefiċjarji jużaw il-prattiki ta' kontabilità tagħhom stess meta jitolbu kumpens għall-ispejjeż tal-proġetti.

2.

L-għan ewlieni tar-regoli għall-parteċipazzjoni taħt “Orizzont 2020” (12) huwa li jsiru żviluppi fuq il-miżuri ta' simplifikazzjoni diġà implimentati fl-FP7. Ir-“regoli“ jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-għażla tal-proġetti, il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet fil-proġetti, il-finanzjament tal-proġetti, l-identifikazzjoni ta' kundizzjonijiet ta' finanzjament bħalma huma rati ta' finanzjament u r-rekwiżiti ta' eliġibilità, u disseminazzjoni tar-riżultati. Dawn il-kwistjonijiet mhumiex biss importanti għall-benefiċjarji, iżda jista’ jkollhom ukoll ramifikazzjonijiet fuq il-prestazzjoni globali tal-Programm Qafas Orizzont 2020. Pereżempju, it-tnaqqis tal-ġibda lejn il-programm minħabba regoli kumplessi jżid ir-riskju li ma jinkisbux l-objettivi globali tal-programm li jappoġġja l-istrateġija Ewropa 2020.

3.

Safejn huwa possibbli, l-opinjoni tal-Qorti ssegwi l-istruttura tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Kummissjoni tar-“regoli proposti”. Madankollu, tqis ukoll il-kuntest ġenerali tal-“pakkett regolatorju”, u b’mod iktar speċifiku, il-miżuri ta’ ġestjoni li jkopru l-istrateġija ġdida ta’ kontroll stabbilita fil-proposta għal “regolament dwar l-Orizzont 2020”.

SOMMARJU

I.

Is-simplifikazzjoni hija l-prinċipju trasversali ewlieni abbażi tal-miżuri inklużi fir-‘regoli proposti’. B’mod ġenerali, il-Qorti tqis li l-miżuri, jekk jiġu implimentati skont l-għan tagħhom, se jikkontribwixxu b’mod sinifikanti lejn l-indirizzar tal-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja l-finanzjament tar-riċerka tal-Unjoni. Peress li s-suċċess ta’ dawn il-miżuri se jiddipendi primarjament fuq l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, gwida f’waqtha, prattika, ċara u mhux ambigwa se tkun kruċjali f'dan ir-rigward.

II.

“Orizzont 2020” għandu jidentifika mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni ma’ politiki oħra tal-UE, bħall-Politika ta’ Koeżjoni, bil-għan li potenzjalment jiżdied l-effett multiplikatur tar-riżorsi tal-Unjoni, u jitħaffef il-progress lejn Żona Ewropea tar-Riċerka unifikata, u jitnaqqas ir-riskju potenzjali tal-akkumulazzjoni ta' finanzjamenti differenti tal-UE għal azzjoni waħda.

III.

Permezz tal-introduzzjoni ta’ sett wieħed ta’ regoli, u billi jiġu permessi devjazzjonijiet biss fejn huma ġustifikati minn ħtiġijiet speċifiċi, il-Kummissjoni se tkun qed issaħħaħ l-iżvilupp lejn sett koerenti ta’ regoli għall-parteċipazzjoni. Il-Qorti tenfasizza l-ħtieġa tar-“regoli proposti” li jridu jiġu applikati b’mod konsistenti mal-azzjonijiet kollha taħt “Orizzont 2020”, u f’kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-korpi varji ta’ implimentazzjoni. Kull eċċezzjoni mill-ambitu tal-applikazzjoni tar-regoli proposti għandha tiġi ġġustifikata b’mod ċar u limitata sa dak li hu strettament meħtieġ.

IV.

Il-Qorti tqis li l-mudell ta’ finanzjament tal-ispejjeż simplifikat b’mod radikali se jtejjeb l-affidabilità tal-mudell, inaqqas ir-riskju ta’ irregolaritajiet fit-talbiet għal kumpens għall-ispejjeż tal-benefiċjarji, jippermetti li l-kontabilità tal-proġetti tkun inqas kumplessa, u jelimina wħud mill-passi ta’ verifika meħtieġa taħt il-mudell ta’ finanzjament attwali tal-FP7, biex b’hekk jiġi faċilitat u jitħaffef il-proċess ta’ applikazzjoni.

V.

Madankollu, ir-“regoli proposti” għandhom jiddistingwu b’mod ċar bejn azzjonijiet eliġibbli għal rimborż ta’ 100 % u dawk limitati għal massimu ta’ 70 % (attivitajiet qrib tas-suq). Ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom jistipulaw b’mod ċar xi jfissru “attivitajiet qrib tas-suq”.

VI.

Il-Qorti tinnota li t-tneħħija tal-għażla ta’ finanzjament tal-ispejjeż indiretti abbażi tal-ispejjeż reali tirrappreżenta differenza kbira mill-FP7. Mhuwiex ċar kif din il-bidla se tolqot lill-parteċipanti b’mod individwali. Il-Kummissjoni għandha tassigura li l-approċċ il-ġdid ma jwassalx għal sitwazzjonijiet mhux mixtieqa fejn il-parteċipanti jitilfu b'mod sinifikanti, u b'hekk jaffettwa b’mod negattiv l-attrattività lejn il-programm.

VII.

Ir-rimborż previst ta’ VAT mhux rekuperabbli bħala spiża eliġibbli huwa miżura pożittiva. Madankollu, il-Qorti tqis essenzjali li l-Kummissjoni tipprovdi gwida ċara dwar x’inhu li jikkostitwixxi VAT rekuperabbli.

VIII.

Fil-fehma tal-Qorti, il-qafas ta' kontroll intern ottimizzat mibni madwar strateġija msejsa fuq ir-riskju, li fih innifsu huwa marbut intrinsikament mal-mudell ta' finanzjament ġdid li qed jiġi propost, jipprovdi punt ta' tluq tajjeb ħafna għat-tnaqqis tar-riskju li jsiru żbalji. Madankollu, hemm limitazzjonijiet għal dan l-approċċ, billi xi riskji – min-natura tagħhom – iridu jiġu indirizzati permezz ta’ kontrolli ta’ prevenzjoni effettivi.

IX.

Il-Qorti tikkunsidra l-proposta għal kopertura usa’ tal-Fond ta’ Garanzija għall-Parteċipanti bħala żvilupp pożittiv. Madankollu, l-inklużjoni ta’ strumenti fil-kopertura tal-Fond fil-għamla ta’ sħubijiet pubbliċi-privati tesiġi li jsiru valutazzjonijiet fir-rigward tar-riskji legali possibbli.

X.

Il-Qorti tilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li jkun hemm ċertifikat ta’ verifika obbligatorju uniku dwar rapporti finanzjarji fl-aħħar tal-proġett. Madankollu, verifiki riċenti tal-Qorti kkonfermaw li ċ-ċertifikati ta’ verifika mhumiex affidabbli biżżejjed u għaldaqstant dan il-kontroll huwa biss parzjalment effettiv. B’mod simili, il-verifiki tal-Qorti nnotaw il-parteċipazzjoni baxxa u r-rati ta’ aċċettazzjoni baxxi fir-rigward ta’ ċertifikati dwar metodoloġiji. Mingħajr ma jsir titjib f’dawn iż-żewġ oqsma, l-istrateġija ta' kontroll riveduta tal-Kummissjoni tintlaqat b'mod negattiv.

XI.

Fil-fehma tal-Qorti, l-użu tal-premjijiet għandu jirriżulta fit-tħeġġiġ ta’ innovazzjoni (teknoloġika) sabiex jiġi żgurat effett ta' lieva fuq sorsi addizzjonali ta' finanzjament. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jissaħħu l-aspetti mhux finanzjarji, bħal immaġni u reputazzjoni sodi msejsa fuq l-eċċellenza, l-esklussività u r-rikonoxximent internazzjonali.

XII.

Il-Qorti tqis li l-akkwist pubbliku għandu jintuża biss f’każi li huma ġġustifikati u li jirriżultaw f’benefiċċji addizzjonali li ma jiżdidux jekk jintużaw l-għotjiet.

XIII.

Il-“pakkett regolatorju” ma jipprovdix indikazzjoni ċara dwar dak li huwa mifhum b’attività ta’ innovazzjoni. Il-Qorti lesta tilqa’ definizzjoni ċara, kif ukoll limitazzjoni adatta fl-ambitu ta’ attivitajiet ta’ innovazzjoni li jistgħu jiġu ffinanzjati lil dawk li ġenwinament għadhom jibdew fil-qasam.

OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI

4.

Permezz ta’ “Orizzont 2020”, il-Kummissjoni stabilixxiet għaliha stess l-objettiv li tiġbed ir-riċerkaturi l-iżjed importanti u l-intrapriżi l-iżjed innovattivi. F’dan il-kuntest, il-prinċipju trasversali ewlieni li jiġu simplifikati r-regoli għall-parteċipazzjoni jaqdi rwol essenzjali. Is-simplifikazzjoni hija riflessa b’mod qawwi fil-karatteristiċi ewlenin tar-“regoli” (għal ħarsa ġenerali sħiħa tal-objettivi u l-prijoritajiet li jmexxu l-miżuri ta' semplifikazzjoni fil-“pakkett regolatorju”, ara l-Anness):

li jiġi stabbilit sett uniku ta’ regoli għall-parteċipazzjoni u disseminazzjoni li japplikaw għall-komponenti kollha ta’ ‘Orizzont 2020’, bil-possibilità ta' eċċezzjonijiet biss meta jkunu ġġustifikati minn ħtiġijiet speċifiċi;

li tipprovdi lill-parteċipanti b’regoli ta’ finanzjament u dispożizzjonijiet finanzjarji iżjed sempliċi u iktar faċli li jintużaw (pereżempju r-rati ta’ rimborż tal-ispejjeż); u

li tiġi implimentata strateġija ġdida ta’ kontroll li toħloq bilanċ bejn fiduċja u kontroll (13).

5.

Il-Qorti tqis li b’mod ġenerali l-miżuri proposti mill-Kummissjoni, jekk jiġu implimentati kif inhuma maħsuba, se jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin iffaċċjati mill-finanzjament tar-riċerka tal-Unjoni (pereżempju regoli mhux koerenti għall-parteċipazzjoni, il-kumplessità u l-piż amministrattiv). Pereżempju, l-integrazzjoni proposta tar-riċerka u ta' azzjonijiet relatati mal-innovazzjoni (pereżempju Inizjattivi ta' Teknoloġija Konġunti (JTIs)) tindirizza l-kritika komuni ta' applikazzjoni mhux koerenti tar-regoli taħt l-FP7 u tiffaċilita l-interoperabilità u l-kompatibilità bejn l-attivitajiet ta’ riċerka fl-Unjoni (ara paragrafu 10).

6.

Ir-“regoli” jintroduċu ħafna miżuri ta’ simplifikazzjoni riflessi fil-mudell ta’ finanzjament tal-ispejjeż (14) (ara paragrafu 15) u d-dispożizzjonijiet finanzjarji (pereżempju rekwiżiti tar-reġistrazzjoni tal-ħin u l-proposta għall-inklużjoni tal-VAT fid-definizzjoni ta’ spejjeż eliġibbli, ara paragrafu 21) (15). Il-Kummissjoni segwiet approċċ maqsum f’żewġ partijiet: min-naħa minnhom, il-miżuri proposti għandhom l-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv għall-benefiċjarji (pereżempju mudell ta’ finanzjament inqas kumpless jissimplifika d-dikjarazzjoni tal-ispejjeż u l-kalkolu tal-kontribuzzjoni tal-UE għal parteċipanti); min-naħa l-oħra, dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu l-ġestjoni tal-Kummissjoni u jikkontrollaw il-ħidma, u b’hekk jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' kontroll proposta, b'bilanċ bejn fiduċja u kontroll. Pereżempju, l-ottimizzar u s-simplifikazzjoni tal-arranġamenti ta’ finanzjament għandhom, inter alia, jgħinu biex jintlaħaq kontroll aqwa mill-Kummissjoni (16) (ara l-paragrafu 24) (17).

7.

Ġeneralment, ir-“regoli proposti” jindirizzaw il-kwistjonijiet urġenti u importanti msemmija fil-paragrafu 1. Is-suċċess ta’ dawn il-miżuri, madankollu, jiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva tagħhom (18). Il-Qorti ttenni r-rakkomandazzjoni tagħha li l-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida f’waqtha, prattika, ċara u mhux ambigwa dwar l-implimentazzjoni, sabiex toffri garanziji adegwati kemm lill-benefiċjarji kif ukoll lill-Kummissjoni (19). Ir-regoli ta’ implimentazzjoni dettaljati għandhom jiġu kkomunikati mhux aktar tard mid-data tal-pubblikazzjoni tal-ewwel sejħiet għal proposti.

8.

Għandu jiġi nnotat li l-implimentazzjoni ta’ għadd ta' miżuri proposti (pereżempju VAT eliġibbli u kontijiet mingħajr interessi għal prefinanzjament) tiddipendi fuq l-adozzjoni tar-Regolament Finanzjarju (RF) ġdid (20). Fid-data li ħarġet din l-opinjoni, kienu għadhom ma tlestewx il-proċedura leġiżlattiva u r-Regoli ta’ Implimentazzjoni għall-RF ġdid.

OSSERVAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

Qafas Strateġiku Komuni

9.

Il-Kummissjoni tipproponi li tinġabar flimkien il-firxa sħiħa ta’ appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni f’qafas strateġiku komuni uniku (21). Kif ġie mistqarr qabel mill-Qorti (22), “Orizzont 2020” għandu jidentifika wkoll mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fost il-politiki tal-UE (pereżempju l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni). Din il-koordinazzjoni kieku tippermetti li tiġi stabbilita r-rata ta’ kofinanzjament tal-Programm għall-programmi operattivi filwaqt li jitqiesu s-sorsi varji ta’ finanzjament tal-UE, biex b’hekk potenzjalment jiżdied l-effett multiplu tar-riżorsi tal-Unjoni. Għaldaqstant, dan għandu jħaffef il-progress lejn Żona Ewropea tar-Riċerka unifikata (23). Barra minn hekk, għandu jnaqqas ir-riskju potenzjali ta’ akkumulazzjoni ta’ għotjiet differenti tal-UE għal azzjoni waħdanija (24).

Sett koerenti ta’ regoli għall-parteċipazzjoni

10.

Permezz tal-introduzzjoni ta’ sett wieħed ta’ regoli, u billi jiġu permessi devjazzjonijiet biss fejn huma ġustifikati minn ħtiġijiet speċifiċi, il-Kummissjoni se tkun qed issaħħaħ l-iżvilupp lejn sett koerenti ta’ regoli għall-parteċipazzjoni. Taħt l-FP7, hemm bosta saffi ta’ regoli (pereżempju sett standard ta’ regoli għall-parteċipazzjoni u regoli speċifiċi għal Azzjonijiet ta’ Koordinazzjoni u ta’ Appoġġ (CSA) (25) jew kull Inizjattiva ta' Teknoloġija Konġunta (JTI) għar-riċerka) (26)). Bħala konsegwenza, is-sett ta’ regoli tal-FP7 ġie perċeput mill-komunità tar-riċerka bħala kumpless u mhux koerenti (27).

11.

L-approċċ integrat propost (pereżempju, applikazzjoni ġeneralment konsistenti tar-regoli fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħalma huma kriterji ta’ eliġibilità u ta’ valutazzjoni u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali lill-komponenti kollha ta’ “Orizzont 2020”) (28) jista’ jkun pass importanti ’l quddiem f’termini ta’:

it-tnaqqis tal-kumplessità tar-regoli għall-parteċipazzjoni;

l-integrazzjoni tal-bażi ta’ riċerka billi tingħeleb il-frammentazzjoni tar-regoli ta’ politika tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin

ir-riċerka tiġi mmirata lejn aktar allinjament ta’, u kooperazzjoni bejn, il-korpi ta’ implimentazzjoni tar-riċerka (Direttorati Ġenerali, aġenziji eżekuttivi jew JTIs).

12.

Madankollu, mhuwiex ċar kif u sa liema punt ir-regoli għall-parteċipazzjoni se jiġu applikati b’mod konsistenti mal-azzjonijiet kollha taħt “Orizzont 2020”, pereżempju fir-rigward tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), il-JTIs u l-attivitajiet ġestiti mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT). Il-Qorti tixtieq tenfasizza li kull eċċezzjoni għandha tiġi ġġustifikata b’mod ċar u limitat sa dak li hu strettament possibbli, għax inkella l-eċċezzjonijiet isiru regoli. F’dan il-kuntest, iċ-ċertezza legali tkun akbar li kieku r-regolament jelenka dawk l-attivitajiet u azzjonijiet fejn huma previsti eċċezzjonijiet mis-sett uniku ta’ regoli.

13.

Barra minn hekk, l-integrazzjoni sħiħa ta’ attivitajiet li bħalissa jaqgħu fl-ambitu ta’ programmi jew inizjattivi oħrajn (bħal dawk elenkati fil-paragrafu 12) teħtieġ koordinazzjoni konsiderevoli bejn il-korpi kkonċernati. Il-Kummissjoni pproponiet (29) li l-ġestjoni ta’ “Orizzont 2020” għandha tiġi estiża aktar għall-aġenziji eżekuttivi eżistenti tal-Kummissjoni u korpi esterni oħra bħall-intrapriżi konġunti li jiġġestixxu l-JTIs (30).

14.

Il-Qorti tixtieq ittenni r-rakkomandazzjoni preċedenti tagħha li dawn l-arranġamenti ta’ ġestjoni għandhom jiġu ssorveljati b'mod xieraq mill-Kummissjoni sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ tal-opportunitajiet offerti. B’mod partikolari, l-integrazzjoni ta’ intrapriżi konġunti bħala mezzi għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE tinvolvi koordinazzjoni mill-qrib. Għal dan il-għan, l-intrapriżi konġunti l-ewwel iridu jibnu sistema ta’ kontroll intern b’saħħitha u komprensiva. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ azzjoni (31). Il-Qorti tirrimarka wkoll li l-applikazzjoni effettiva u konsistenti tar-regoli hija vitali. Tirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha testendi b’mod konsiderevoli mekkaniżmi ewlenin ta’ allinjament għall-Kumitat ta’ Approvazzjoni tar-Riċerka (RCC) (32) sabiex jissaħħu iżjed il-miżuri orizzontali.

Mudell ġdid ta’ finanzjament tal-ispejjeż

15.

Il-Kummissjoni tipproponi (Artikolu 22 u 24 tar-“regoli”) mudell ta’ finanzjament li jikkonsisti minn:

rata unika ta’ finanzjament għall-parteċipanti u l-attivitajiet kollha f’azzjoni waħda (din ir-rata tista’ tkun sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli (diretti) totali u għandha tkun limitata għal massimu ta’ 70 % għal attivitajiet qrib tas-suq); u

rata fissa unika ta’ 20 % tal-ispejjeż eliġibbli diretti totali għal spejjeż indiretti (ġenerali).

16.

Il-mudell huwa radikalment simplifikat u għandu l-għan li jindirizza l-problemi li jiffaċċjaw il-benefiċjarji taħt l-FP7, fejn il-kumplessità tal-mudell ta’ finanzjament kien relatat direttament mal-għadd ta' kombinazzjonijiet disponibbli bejn kategoriji ta' spejjeż, metodi għall-kalkolu tal-ispejjeż u r-rati ta' rimborż (33). Pereżempju, taħt l-FP7 ir-rati ta’ finanzjament huma dipendenti fuq l-istatus legali (pereżempju korp pubbliku mingħajr skop ta’ qligħ jew kumpanija bi skop ta’ qligħ) it-tip ta’ attività (jiġifieri riċerka, dimostrazzjoni, ġestjoni u oħrajn) jew it-tip ta' spejjeż (jiġifieri persunal, sottokuntrattar, jew spejjeż oħra diretti u indiretti) (34).

17.

Fil-mudell propost tneħħiet għalkollox id-distinzjoni bejn tipi ta’ attività differenti, li żiedet il-kumplessità tal-mudell FP7 (35). Barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ finanzjament għall-ispejjeż diretti totali għar-riċerka (rata waħda ta’ rimborż għal spejjeż diretti stabbilita fil-bidu ta’ kull proġett), flimkien ma’ kontribut nominali fiss lejn spejjeż indiretti (20 %) għall-benefiċjarji kollha u t-tipi kollha ta’ attività, iwasslu biex il-mudell ta’ finanzjament tal-ispejjeż ikun iktar sempliċi u inqas suxxettibbli għall-iżbalji.

18.

Il-Qorti tinnota l-fatt li dawn il-miżuri ta’ simplifikazzjoni:

itejbu l-affidabilità tal-mudell (pereżempju tiġi simplifikata d-dikjarazzjoni tal-ispejjeż) u din, min-naħa tagħha, għandha tnaqqas ir-riskju ta’ irregolaritajiet fit-talbiet għal kumpens għall-ispejjeż tal-benefiċjarji (responsabilità u ġestjoni finanzjarja soda);

iwasslu biex il-kontabilità tal-proġetti tkun inqas kumplessa, li għandu jippermetti l-ġestjoni effettiva tal-aspetti finanzjarji u amministrattivi (tnaqqis tal-isforz amministrattiv għall-benefiċjarji u l-Kummissjoni);

għandhom jeliminaw uħud mill-passi ta’ verifika meħtieġa taħt il-mudell ta’ finanzjament attwali tal-FP7 (pereżempju l-istatus legali). B’dan il-mod, il-mudell ta’ finanzjament propost għandu jiffaċilita u jħaffef il-proċess ta’ applikazzjoni; u

jirrappreżentaw mudell ta’ rimborż tal-ispejjeż li diġà jopera b’mod effettiv fil-prattika fil-finanzjament nazzjonali tar-riċerka madwar l-Ewropa (36).

19.

Madankollu, ir-“regoli” ma jiddistingwux b’mod ċar bejn azzjonijiet eliġibbli għal rimborż ta’ 100 % (attivitajiet standard) u dawk limitati għal massimu ta’ 70 % (attivitajiet qrib tas-suq). Id-definizzjoni ta’ attivitajiet qrib tas-suq bħat-tfassil ta’ prototipi, l-ittestjar, id-dimostrazzjoni, l-iżvilupp esperimentali, il-pilotaġġ jew ir-replikazzjoni fis-suq mhijiex ċara, peress li jeżistu bosta definizzjonijiet. Ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom jistipulaw b’mod ċar xi jfissru “attivitajiet qrib tas-suq”.

20.

Il-Qorti tinnota li l-mudell ta’ finanzjament propost jirrappreżenta differenza kbira mill-FP7 peress li tneħħiet l-għażla ta’ finanzjament ta’ spejjeż indiretti abbażi ta' spejjeż reali. Mhuwiex ċar kif il-mudell propost ta’ rimborż tal-ispejjeż se jolqot il-parteċipanti b’mod individwali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tipprovdi assigurazzjonijiet li l-approċċ il-ġdid mhux se jwassal għal sitwazzjonijiet mhux mixtieqa fejn il-parteċipanti jitilfu b’mod sinifikanti, li fl-aħħar mill-aħħar ifisser li l-programm ikun ħafna inqas attraenti.

Kriterji ta’ eliġibilità u ta’ finanzjament simplifikati

21.

Ir-“regoli” jipprovdu għall-introduzzjoni ta’ miżuri addizzjonali sabiex jissimplifikaw ir-regoli ta’ eliġibilità. L-għan huwa li dawn ir-regoli jiġu allinjati mal-prattiki tal-benefiċjarji (pereżempju rekwiżiti tar-reġistrazzjoni tal-ħin (37)).

22.

Il-Qorti tinnota li l-użu ta’ sistemi għar-reġistrazzjoni tal-ħin se jitkompla u tqis li dan huwa xieraq peress li huwa essenzjali li l-ispejjeż tal-persunal reali jiġu sostanzjati (38). Madankollu, l-eliminazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-ħin għal persunal li jaħdem esklussivament fuq proġetti tal-UE u billi jitħalla jiffirma dikjarazzjoni korrispondenti, hija miżura pożittiva. Sabiex jiġi żgurat approċċ konsistenti mal-entitajiet kollha, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju jikkonforma mal-prattiki tiegħu tas-soltu ta’ kontabilità u ġestjoni, għax inkella l-miżura l-ġdida se tisfa vittma ta' irregolaritajiet. Pereżempju, dikjarazzjoni mill-benefiċjarju trid tkun taqbel ma' evidenza oħra (pereżempju sigħat ta' ħidma fuq il-proġett, jew referenzi għall-ħidmiet jew tip ta' attività li għandhom ikunu konsistenti ma' kuntratti ta' impjieg jew arranġamenti interni oħrajn).

23.

Ir-“regoli” jippermettu li jsir rimborż ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) mhux rekuperabbli (39). L-importanza li jiġu modifikati r-regoli bil-għan li tiġi aċċettata l-VAT mhux rekuperabbli bħala spiża eliġibbli diġà kienet ġiet enfasizzata fl-Opinjoni tal-Qorti Nru 1/2006 (40). Huwa essenzjali li tingħata gwida ċara dwar dak li jikkostitwixxi VAT rekuperabbli. Fil-fehma tal-Qorti, sabiex tikkwalifika bħala eliġibbli, il-VAT ma tistax tkun rifondibbli lill-benefiċjarju taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

L-istrateġija ta’ kontroll tal-Kummissjoni

Miżuri ta’ strateġija u ta’ kontroll riveduti

24.

Is-simplifikazzjoni bħala l-għan ċentrali ta’ ‘Orizzont 2020’ hija riflessa b’mod qawwi wkoll fil-ġestjoni finanzjarja proposta tal-programm (41). Flimkien mal-introduzzjoni ta’ mudell ta’ finanzjament tal-ispejjeż (ara paragrafi 15 sa 20), ir-“regolament dwar l-Orizzont 2020” (42) għandu l-għan li jimplimenta strateġija ta’ kontroll riveduta. Din l-istrateġija ċċaqlaq l-enfasi mill-minimizzazzjoni tar-rati ta’ żbalji għall-kontroll bbażat fuq ir-riskji u l-iskoperta tal-frodi, filwaqt li simultanjament tilħaq:

rata ta’ żbalji residwali qrib ta’ 2 % tal-ispejjeż totali matul l-eżistenza tal-programm;

ammont globali ta’ verifiki ex-post limitati għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex tintlaħaq din il-mira u l-istrateġija; u

massimu ta’ 7 % tal-parteċipanti ta’ “Orizzont 2020” soġġetti għal verifika tul il-perjodu kollu ta’ programmazzjoni.

25.

L-elementi importanti tal-bini ta’ strateġija ta’ kontroll huma marbuta b’mod intrinsiku mal-mudell ta’ finanzjament propost. Kif ġie deskritt fir-“regolament dwar l-Orizzont 2020”, il-benefiċċji ta’ ċerti miżuri ta’ simplifikazzjoni (pereżempju l-eliminazzjoni ta’ sors ta’ żbalji rikorrenti) għandhom inaqqsu r-riskju ta’ irregolaritajiet u għaldaqstant jippermettu sistema ta’ kontroll u verifika iżjed sempliċi u effettiva. Pereżempju, l-introduzzjoni ta’ regoli simplifikati li jirregolaw l-ispejjeż indiretti (ara paragrafu 17) sussegwentement għandha tnaqqas ir-rata ta’ żbalji (43). Barra minn hekk, strateġija mfassla tajjeb u implimentata b’mod korrett sabiex issaħħaħ il-kontrolli bbażati fuq ir-riskju u l-iżvelar ta’ frodi tista' tevita li jsiru l-iżbalji.

26.

Il-Qorti tinnota l-iżvilupp ta’ strateġija bbażata fuq ir-riskju bil-mira tkun li tintlaħaq rata ta’ żbalji residwali qrib ta’ 2 %. Qafas ta’ kontroll intern ottimizzat mibni madwar strateġija bbażata fuq ir-riskji jipprovdi punt ta’ tluq tajjeb ħafna għat-tnaqqis tar-riskju ta’ żbalji. Madankollu, dan l-approċċ għandu l-limitazzjonijiet tiegħu. Xi riskji, min-natura tagħhom, iridu jiġu indirizzati permezz ta’ kontrolli preventivi effettivi.

27.

F’dan il-kuntest, il-Qorti kkonkludiet (44) li proporzjon sinifikanti ta’ ċertifikati ta’ verifika (ċertifikazzjoni tal-metodoloġiji ex-ante tal-kalkolu tal-ispiża tal-benefiċjarji u ċertifikazzjoni ta’ verifika ex-post tat-talbiet għal kumpens għall-ispejjeż, żewġ elementi importanti fil-mekkaniżmu ta’ kontroll ġdid tal-Kummissjoni) kienu kkunsidrati bħala parzjalment effettivi biss (ara wkoll paragrafi 30 sa 32). Għaldaqstant, il-miżuri proposti jippreżentaw ir-riskju li jkunu limitati fl-effikaċja tagħhom, u ma jikkontribwixxux biżżejjed biex jintlaħaq it-tnaqqis immirat tar-rata ta’ żbalji residwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe livell predeterminat ta’ attività ta’ verifika ex post ma jwaqqafx lill-Kummissjoni milli tilħaq rata ta’ żbalji residwali qrib ta’ 2 % (45).

Fond ta’ Garanzija għall-Parteċipanti

28.

Il-Kummissjoni pproponiet li l-Fond ta’ Garanzija għall-Parteċipanti (“il-Fond”) għandu jinżamm għat-tul kollu ta’ Orizzont 2020. Il-Fond, li diġà kien operattiv taħt l-FP7 (46), jifforma parti integrali mill-istrateġija ta' kontroll tal-Kummissjoni. Għandu l-għan li jħares il-baġit tal-UE billi jaġixxi bħala ammont kollaterali għal għotjiet lill- benefiċjarji (47). Bħala konsegwenza, l-ebda garanzija addizzjonali jew titolu ta’ sigurtà m'għandhom jiġu imposti fuq il-parteċipanti (48). Bil-kontra tal-FP7, il-kopertura tal-Fond għandha tinkludi l-attivitajiet tas-CIP u tal-EIT u strumenti bħall-JTIs (49).

29.

Il-Qorti tinnota li l-introduzzjoni tal-Fond taħt l-FP7 naqqset il-piż amministrattiv tal-benefiċjarji. Pereżempju, billi pprovdiet sigurtà fil-għamla ta’ kollaterali, il-Kummissjoni kienet kapaċi tnaqqas l-għadd ta’ kontrolli ta’ vijabilità finanzjarja għall-maġġoranza tal-parteċipanti u tabolixxi forom oħra ta’ kollaterali (pereżempju garanziji bankarji). F’dan ir-rigward, il-kopertura usa’ żgurata bl-inklużjoni tas-CIP, l-EIT u l-JTIs taħt l-umbrella tal-Fond hija żvilupp pożittiv. Madankollu, l-inklużjoni ta’ strumenti bħal sħubijiet pubbliċi-privati (pereżempju l-JTIs) fil-kopertura tal-Fond tirrikjedi valutazzjoni ta’ riskji legali possibbli (strutturi legali differenti (50)), speċjalment jekk kull ammont li jiġi rkuprat se jikkostitwixxi dħul assenjat lill-Fond (51).

Proċeduri ta’ ċertifikazzjoni

30.

Il-proposta tal-Kummissjoni tipprovdi għal żewġ proċeduri ta' ċertifikazzjoni (52) mwettqa minn awditur indipendenti. Iż-żewġ proċeduri jikkostitwixxu element ta' qafas rivedut ta' kontroll intern taħt Orizzont 2020 (53). Il-proċeduri huma:

iċ-ċertifikat dwar rapporti finanzjarji (ċertifikazzjoni ta’ verifika obbligatorja ex-post fi tmiem il-proġett għal talbiet għal kumpens tal-ispejjeż ekwivalenti għal jew ogħla minn EUR 325 000 li għandhom jikkonfermaw il-preċiżjoni, l-awtentiċità u l-eliġibilità tal-ispejjeż iddikjarati); u

iċ-ċertifikat dwar il-metodoloġija (ċertifikazzjoni mhux obbligatorja ex-ante għall-benefiċjarji li tiċċertifika l-metodoloġiji tal-kalkolu tal-ispiża għal spejjeż diretti tal-persunal abbażi tal-iskala tal-ispejjeż skont l-unità).

31.

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji, il-Kummissjoni tipproponi tnaqqis fl-għadd ta’ ċertifikati dwar rapporti finanzjarji meta mqabbel mal-FP7 (54). F’termini ta’ simplifikazzjoni, il-Qorti tilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex ikollha ċertifikat obbligatorju uniku fi tmiem il-proġett. Madankollu, jekk il-proċess ta’ ċertifikazzjoni jikkostitwixxix proċedura ta’ kontroll effettiva jiddependi primarjament fuq l-affidabilità taċ-ċertifikati ta' verifika. Verifiki riċenti mill-Qorti kkonfermaw li dan il-kontroll kien biss parzjalment effettiv fis-sentejn preċedenti (55). Il-Qorti ttenni r-rakkomandazzjoni tagħha li l-affidabilità taċ-ċertifikati ta' verifika għandha tittejjeb billi tinġibed iktar l-attenzjoni tal-awditur li jiċċertifika dwar l-eliġibilità tal-ispejjeż.

32.

L-objettiv taċ-Ċertifikat dwar il-Metodoloġija huwa li jiġi promoss l-użu ta’ metodoloġiji korretti mill-benefiċjarji meta jressqu talbiet għal kumpens ta’ spejjeż diretti fuq il-persunal abbażi tal-iskala tal-ispejjeż skont l-unità (56). Kieku jkun preżunt li l-implimentazzjoni tagħhom hija effettiva, il-benefiċjarji għandhom jagħżlu li l-metodoloġija tagħhom tkun ċertifikata u konsegwentement, għandu jonqos l-ammont globali ta’ żbalji relatati mal-ispejjeż tal-persunal. Madankollu, kif ġie mistqarr preċedentement mill-Qorti (57), il-parteċipazzjoni baxxa u r-rati ta’ aċċettazzjoni fl-FP7 idgħajfu l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissimplifika l-proċeduri. Il-Qorti tinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tissimplifika u tħaffef il-proċess ta’ applikazzjoni u biex tispeċifika b'mod ċar kriterji sempliċi kif jinkiseb dan iċ-ċertifikat. Jekk dan ma jinkisibx, l-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija ta’ kontroll riveduta tal-Kummissjoni tista’ tintlaqat ħażin.

Forom ġodda ta’ finanzjament

33.

Ir-“regoli proposti” jintroduċu premjijiet, akkwist prekummerċjali u akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi bħala tipi ġodda ta’ finanzjament (58). Il-Kummissjoni beħsiebha tuża l-premjijiet bħala għotja ta’ rikonoxximent talli jintlaħqu miri speċifikati minn qabel orjentati lejn ir-riċerka (59). L-akkwist se jippermetti lill-Kummissjoni tikseb servizzi ta’ riċerka u żvilupp u taġixxi bħala klijent tal-varar għal soluzzjonijiet innovattivi (60).

34.

Il-ħsieb bażiku tal-premjijiet huwa li jiġi stimolat investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni li jiswa ħafna iżjed mill-valur fi flus tal-premju. B’hekk, barra mis-sempliċità amministrattiva, il-premjijiet jista’ jkollhom il-vantaġġ ta’ effett ta’ lieva għoli (61). Sabiex jintlaħaq dan l-effett, il-premju jrid iħeġġeġ l-investiment privat. Mingħajr effett ta’ lieva, il-premju jservi biss ta’ strumenti għall-koordinazzjoni ta’ sforzi differenti ta’ riċerka ffinanzjati mill-kaxxa pubblika, u ma jattirax investiment addizzjonali fir-riċerka. Għaldaqstant, il-premjijiet għandhom ikunu marbuta mat-tħeġġiġ tal-innovazzjoni (teknoloġika) sabiex jiġi żgurat effett ta’ lieva dwar sorsi ta’ finanzjament addizzjonali. Sabiex dan l-aspett jingħata iżjed saħħa, il-Kummissjoni għandha tiffoka fuq it-tisħiħ tal-attrattività mhux finanzjarja tal-premjijiet, pereżempju billi jinħolqu immaġni u reputazzjoni għall-premju bbażat fuq l-eċċellenza, l-esklussività u l-għarfien internazzjonali.

35.

Il-ħsieb tal-akkwist prekummerċjali u l-akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi huwa li tiġi xprunata d-domanda għal prodotti jew servizzi innovattivi, u b’hekk jiġi appoġġjat id-dħul fis-suq (62) u konsegwentement tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea. Meta mqabbel mal-għotjiet, il-prezz ta’ akkwist ikkuntrattat jinkludi mhux biss l-ispejjeż tal-kuntratturi iżda wkoll il-marġini ta’ qligħ tagħhom. Dan il-fattur jista’ jfisser li l-akkwist ikun strument li jqum iżjed flus mill-għotjiet safejn jidħol il-finanzjament tar-riċerka. Għaldaqstant, l-akkwist għandu jintuża biss jekk ikun iġġustifikat mill-aspettattiva ta’ benefiċċji addizzjonali (pereżempju l-ħolqien ta’ suq ġdid jew it-tħeġġiġ tal-innovazzjoni) li kieku ma jiżdidux jekk jintużaw l-għotjiet. Ir-raġunijiet sabiex jintuża l-akkwist għandhom jiġu deskritti b’mod ċar qabel ma jsir kwalunkwe approċċ lil kuntratturi potenzjali. F’dan ir-rigward, l-akkwist m’għandux jintuża għall-għan waħdieni tas-simplifikazzjoni amministrattiva tal-programm qafas.

Innovazzjoni

36.

Il-proposta leġiżlattiva dwar “Orizzont 2020” tintegra r-riċerka u l-innovazzjoni billi tipprovdi finanzjament bla xkiel u koerenti mill-idea għas-suq (63). It-terminu “innovazzjoni” huwa msemmi mill-bidu sal-aħħar fir-“regoli proposti” u fil-“pakkett regolatorju” (64).

37.

Il-Qorti nnotat fir-Rapport Speċjali Nru 4/2011 (65) li l-kunċett tal-innovazzjoni ġie interpretat b’mod wiesa’. Il-“pakkett regolatorju” ma jipprovdix indikazzjoni ċara dwar dak li huwa mifhum b’attività ta’ innovazzjoni. Minflok, sabiex jiddeskrivi t-tifsira tal-kelma, juża firxa wiesgħa ta’ termini deskrittivi bħal soċjali, mexxejja mill-aqwa, teknoloġika, ibbażata fuq ir-riċerka, industrijali, tas-soċjetà, ekoloġika, teknika, benesseri u innovazzjoni applikata (66). Il-fatt li d-definizzjoni tal-innovazzjoni hija ambigwa tista’ twassal għal nuqqas ta’ fehim u kumplessità ikbar fl-implimentazzjoni ta’ proġett. Il-proposta għandha tipprovdi definizzjoni preċiża.

38.

Filwaqt li għandu jagħraf ir-riskju li finanzjament jiddgħajjef f’firxa wiesgħa ta’ proġetti ta’ innovazzjoni b’impatt potenzjali limitat dwar il-kompetittività tal-industrija Ewropea, Orizzont 2020 għandu jillimita b’mod ċar l-ambitu tal-attivitajiet ta’ innovazzjoni li jistgħu jiġu ffinanzjati. Il-pakkett regolatorju għandu jagħmel referenza għal qafas ta’ innovazzjoni rikonoxxut bħall-Manwal ta’ Oslo (67) u jillimita l-ambitu ta’ attivitajiet ta’ innovazzjoni li huma ġodda fid-dinja.

Din l-opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu waqt il-laqgħa tagħha tad-19 ta’ Lulju 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1 Volum 4 pp. 74-121).

(2)  ĠU L 311, 26.11.2010, p. 9.

(3)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 1 Volum 4 pp. 145-215).

(4)  ĠU L 111, 28.4.2007, p. 13 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 337).

(5)  ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1.

(6)  ĠU C 203, 25.8.2006, p. 1.

(7)  http://eca.europa.eu

(8)  ĠU C 334, 10.12.2010, p. 1.

(9)  ĠU C 47, 17.2.2012, p. 1.

(10)  Pereżempju, Evalwazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Kwadru, Rapport Finali, 12 ta’ Novembru 2010, p. 56; Opinjoni Nru 1/2006 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, paragrafu 12 et seq u r-Rapport Annwali dwar is-sena finanzjarja 2009, paragrafu 6.7.

(11)  Kunsill tal-Unjoni Ewropea (10268/10) – konklużjonijiet tal-Kunsill adottati mill-Kunsill tal-Kompetittività fil-laqgħa tiegħu tas-26 ta’ Mejju 2010, p. 2; u r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2010 (P7_TA (2010)0401), Nru 7 et seq.

(12)  Is-sett ta’ proposti għal Orizzont 2020 (minn issa ’l quddiem “Orizzont 2020” jew “pakkett regolatorju”) jikkonsisti minn regolament li jistabbilixxi Orizzont 2020 (COM(2011) 809 finali (minn issa ’l quddiem “Regolament dwar l-Orizzont 2020”), il-proposta għal regolament li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni fl-Orizzont 2020 – Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (minn issa ’l quddiem “regoli proposti” jew “regoli”), COM(2011) 810 finali, u l-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020, COM(2011) 811 finali.

(13)  Is-simplifikazzjoni tar-regoli ta’ parteċipazzjoni hija prerekwiżit għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ kontroll proposta, COM(2011) 811 finali, p. 109 (miżuri ta’ ġestjoni).

(14)  COM(2011) 810 finali, Artikoli 22 u 24.

(15)  COM(2011) 810 finali, Artikoli 23 u 25.

(16)  Fl-istess waqt, huwa iżjed faċli li jintlaħaq l-objettiv ġenerali ta' tnaqqis tal-persunal b’5 % ta’ kull istituzzjoni u aġenzija Ewropea; COM(2011) 890 finali, p. 4.

(17)  COM(2011) 809 finali, p. 97 et seq.

(18)  Kif intqal fi studju tal-Parlament Ewropew dwar ir-Regoli Finanzjarji fil-Programmi Qafas tar-Riċerka – Simplikazzjoni tar-regoli ta’ parteċipazzjoni fil-programmi ta’ riċerka tal-UE, waħda mill-konklużjonijiet ewlenin ta’ dan l-istudju hi li l-mod kif ir-regoli huma implimentati huwa iktar problematiku mir-regoli fihom infushom. Dan iwassal għal nuqqas ta’ fiduċja reċiproka bejn il-benefiċjarji u l-Kummissjoni kif ukoll piż amministrattiv żejjed fuq iż-żewġ naħat; Direttorat Ġenerali għal Politiki Interni, Dipartiment tal-Politika D: Affarijiet Baġitarji, (PE 411.275), 26/05/2010; p. 62.

(19)  Qorti Ewropea tal-Awdituri Rapport Speċjali Nru 1/2004, paragrafu 12; Rapport Speċjali Nru 9/2007, paragrafu 71; Rapport Speċjali Nru 8/2009, paragrafi 47 sa 49; u Opinjoni 1/2006, paragrafu 11.

(20)  COM(2010) 815 finali.

(21)  COM(2011) 809 finali, Premessa 15 u Artikolu 4.

(22)  Opinjoni Nru 7/2011, paragrafu 14.

(23)  Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka tinkludi l-attivitajiet, programmi u politiki kollha ta’ riċerka u żvilupp fl-Ewropa li jinvolvu perspettiva transnazzjonali. Flimkien jippermettu lir-riċerkaturi, lill-istituzzjonijiet tar-riċerka u n-negozji biex jiċċirkolaw, jikkompetu u jikkooperaw dejjem iżjed bejn il-fruntieri.

(24)  Opinjoni Nru 1/2006, paragrafu 16.

(25)  Azzjonijiet ta’ Koordinazzjoni u ta’ Appoġġ (pereżempju ERA-nets jew inizjattivi skont l-Artikolu 185) huma identifikati abbażi tal-kriterji stabbiliti fis-Seba’ Programm Qafas. Madankollu, l-implimentazzjoni permezz ta’ strutturi ta’ implimentazzjoni ddedikati jistgħu jimponu rekwiżiti addizzjonali u jridu jissodisfaw il-kriterji nazzjonali ta’ eliġibilità stabbiliti fil-programm komuni ta’ riċerka.

(26)  JTIs, parti integrali tar-riċerka tal-UE, huma esklużi b’mod espliċitu mill-ambitu tar-regoli ta’ parteċipazzjoni tal-FP7. Bħala riżultat, kull JTI għandha l-korp tagħha ta’ regoli u proċeduri dwar sejħiet għal proposti u dispożizzjonijiet finanzjarji.

(27)  Ir-Raba’ Rapport ta’ Monitoraġġ dwar l-FP7 tal-Kummissjoni Ewropea, p. 50; Valutazzjoni Interim tas-Seba’ Programm Qafas tal-Kummissjoni Ewropea, p. 56.

(28)  COM(2011) 810 finali, Premessa 6.

(29)  COM(2011) 809 finali, p. 95.

(30)  F’dan ir-rigward, l-użu tal-aġenziji eżekuttivi se jkun ottimizzat permezz ta’ distribuzzjoni mill-ġdid possibbli tal-ħidmiet, sabiex tinkiseb speċjalizzazzjoni. Aktar mandati għal intrapriżi konġunti li diġà jeżistu se jiġġeddu u oħrajn ġodda se jiġu stabbiliti, COM(2011) 809 finali, pp. 95 u 96.

(31)  Qorti Ewropea tal-Awdituri Rapport Speċjali Nru 13/2009, paragrafi 61 sa 66; Opinjoni Nru 1/2010, paragrafu 17, u Rapport Annwali dwar is-sena finanzjarja 2009, paragrafu 5.56.

(32)  Fl-2011, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar tliet miżuri għas-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE stabbilixxiet il-Kumitat ta’ Approvazzjoni tar-Riċerka (RCC) bil-mandat li jieħu pożizzjonijiet finali dwar kwistjonijiet orizzontali relatati mal-implimentazzjoni (pereżempju konsistenza fl-istrateġija ex-post tad-Direttorati tal-Kummissjoni, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji, il-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, eċċ.); (C(2011) 174).

(33)  Rapport Annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar is-sena finanzjarja 2010, paragrafu 6.7.

(34)  Rapport tal-Parlament Ewropew dwar is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi Qafas tar-Riċerka (2010/2079(INI)), paragrafu 17; Konklużjonijiet dwar programmi simplifikati u iżjed effiċjenti li jappoġġjaw ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Ewropea, it-3016-il laqgħa tal-Kunsill tal-Kompetittività tas-26 ta’ Mejju 2010, p. 4; COM(2010) 187 finali, p. 8.

(35)  Ġew innotati okkażjonijiet matul il-verifiki finanzjarji tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Il-benefiċjarji fl-FP7 jikklassifikaw l-ispejjeż tagħhom f’16-il kategorija tal-ispejjeż. Kull kategorija għandha livelli differenti ta’ finanzjament. Bħala konsegwenza, partiti ta’ spejjeż kklassifikati b’mod żbaljat jistgħu jirriżultaw f’ammont finanzjat b’mod differenti, għaliex l-istess partita taħt kategorija waħda (pereżempju attivitajiet tad-dimostrazzjoni) hija ffinanzjata b’rata ta’ 50 %, filwaqt li r-rata taħt kategoriji oħrajn (pereżempju attivitajiet ta’ ġestjoni) hija 100 %.

(36)  Studju ta’ grupp ta’ esperti dwar l-Impatt fuq il-ġestjoni finanzjarja fl-universitajiet tal-finanzjament estern tar-riċerka bbażat fuq proġetti – Rapport tal-Grupp ta’ Esperti ppresedut minn Sabine Herlitschka, Novembru 2008 wera, pereżempju, li approċċ ta’ finanzjament li jkopri l-ispejjeż diretti kollha kif ukoll rata fissa ta’ spejjeż indiretti (ġenerali) (tipikament 20 %) jintużaw ħafna fl-Ewropa (pereżempju Deutsche Forschungsgemeinschaft tal-Ġermanja, u Fonds National Suisse tal-Isvizzera).

(37)  COM(2011) 810 finali, Artikolu 25 (Sigħat annwali produttivi).

(38)  Opinjoni Nru 1/2006, paragrafu 67.

(39)  It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) mhijiex eliġibbli taħt l-FP7; Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-PE u tal-Kunsill, Artikolu 31(3)(e). Din id-dispożizzjoni mhijiex inkluża fir-“Regolament dwar Orizzont 2020” propost. Il-proposta tirreferi għar-Regolament Finanzjarju, li jinkludu l-VAT mhux rekuperabbli bħala eliġibbli.

(40)  Opinjoni Nru 1/2006, paragrafu 64.

(41)  COM(2011) 809 finali, Premessa 32.

(42)  COM(2011) 809 finali, p. 97.

(43)  Kie ġie deskritt fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva għar-“regolament dwar l-Orizzont 2020”, madwar 28 % tal-iżbalji fil-verifiki tal-FP7 skont l-ammont jirrelataw għal spejjeż indiretti. Din ir-rata għalhekk hija mistennija tonqos taħt Orizzont 2020; COM(2011) 809 finali, p. 100.

(44)  Rapport Annwali dwar is-sena finanzjarja 2010, paragrafi 6.19 sa 6.28.

(45)  Sa nofs Ġunju 2012, madwar 7,25 % tal-benefiċjarji tal-FP7 kienu verifikati jew skedati għal verifika. Taħt l-FP6, 8,45 % tal-benefiċjarji kienu verifikati. Għaż-żewġ programmi qafas, ir-rata ta’ żbalji ma niżlitx għal-livell mistenni ta’ 2 %. Informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea – Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (RTD).

(46)  COM(2011) 810 finali, Artikoli 32 u 33.

(47)  Il-benefiċjarji jikkontribwixxu 5 % tal-kontribuzzjoni totali tal-UE lill-Fond għall-proġett tagħhom, li bħala total jirrappreżenta ammont kollaterali li minnu l-UE tista’ toħroġ flus fil-każ li jsir telf finanzjarju marbut mal-proġetti.

(48)  COM(2011) 810 finali, Artikoli 32, paragrafu 4.

(49)  SEC(2011) 1427 finali, Volum 2 - parti 2/2, Anness 3.

(50)  Pereżempju, l-istruttura legali speċifika tal-JTIs, bl-użu tal-qafas tal-“Korp tal-Komunità”, intgħażlet sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tikkontribwixxi r-riżorsi previsti b’mod dirett u li jista’ jiġi kkontrollat. Madankollu, fil-qagħda attwali ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni finali dwar kif se jitkompla l-għarfien tal-JTIs. Għall-istabbiliment ta’ JTIs ġodda, bħalissa qed jiġu diskussi tipi oħrajn ta’ struttura legali (pereżempju korpi speċjali) bħala parti mir-reviżjoni attwali tar-Regolament Finanzjarju tal-UE. Drittijiet mogħtija lil imsieħba privati, l-allokazzjoni tal-profitti jew riskji ta’ insolvenza għalhekk għandhom jiġu kkundsidrati meta jiġu inklużi l-CIP, l-EIT u l-JTIs taħt il-kappa tal-Fond.

(51)  COM(2011) 810 finali, Artikoli 33, paragrafu 4.

(52)  COM(2011) 810 finali, Artikoli 28 sa 30.

(53)  COM(2011) 809 finali, p. 99.

(54)  Taħt “Orizzont 2020”, ċertifikat wieħed biss bħal dan (li jiġi attivat malli jinqabeż il-limitu ta’ EUR 325 000) huwa meħtieġ għal kull benefiċjarju fi tmiem il-proġett minflok iċ-ċertifikati interim meħtieġa taħt l-FP7.

(55)  Rapport Annwali dwar is-sena finanzjarja 2010, paragrafi 6.19 sa 6.21.

(56)  Ċertifikati maħruġa minn awdituri esterni - Noti ta’ gwida għal benefiċjarji u awdituri, l-ewwel verżjoni Lulju 2010, p. 13.

(57)  Rapport Annwali dwar is-sena finanzjarja 2010, paragrafu 6.25.

(58)  COM(2011) 810 finali, Artikoli 34 u 35 u 48 u 49. Proġetti pilota ta’ akkwist prekummerċjali kienu diġà tnedew matul l-FP7 (pereżempju taħt l-FP7-ICT-2011-12). Il-premjijiet ġew inklużi fir-regoli tal-FP7 iżda ma ntużawx bħala forma separata ta’ finanzjament.

(59)  COM(2011) 810 finali, p. 3.

(60)  COM(2011) 810 finali, Artikolu 2, paragrafi 1(13) u 1(14).

(61)  COM(2010) 187 finali, p. 6 (l-aħħar paragrafu).

(62)  SEC(2011) 1427, p. 19.

(63)  COM(2011) 808, p. 4.

(64)  Pereżempju “akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi” (COM(2011) 810 finali, Artikoli 2(1) punt 14, 19(8), 35 u 49). Artikolu 22(5) jillimita r-rata ta’ finanzjament għal azzjonijiet ta’ innovazzjoni elenkati (qrib tas-suq).

(65)  http://eca.europa.eu

(66)  COM(2011) 809 finali, “Innovazzjoni soċjali” (Premessa 11 u Anness I (p. 30)) “mexxejja mill-aqwa” (Anness I, Parti I, p. 32); “teknoloġika, ibbażata fuq ir-riċerka” (Anness I, Parti I, p. 36); “industrijali” (Anness I, Parti II, p. 47); “tas-soċjetà” (Anness I, Parti II, p. 48); “ekoloġika”; “teknika” (Anness I, Parti II, p. 51); “benesseri” (Anness I, Parti III, p. 60); u “applikata” (Anness I, Parti III, p. 68).

(67)  Il-Kejl ta’ Attivitajiet Xjentifiċi u Teknoloġiċi – Manwal ta’ Oslo – Linji Gwida għall-ġbir u l-interpretazzjoni ta’ data dwar l-innovazzjoni, it-tielet edizzjoni, Pubblikazzjoni konġunta bejn l-OECD u l-Eurostat.


ANNESS

Objettivi u prijoritajiet li jmexxu l-miżuri ta’ simplifikazzjoni fil-“pakkett regolatorju”

Objettivi u Prijoritajiet

Miżuri ta’ simplifikazzjoni li joriġinaw mill-objettivi u l-prijoritajiet

Sett uniku ta’ regoli għall-parteċipazzjoni

Orizzont 2020 se jikkombina l-finanzjament kollu tar-riċerka u l-innovazzjoni li bħalissa huma pprovduti permezz tal-Qafas, l-attivitajiet relatati mal-innovazzjoni tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) (2), (3)

Sett uniku ta’ regoli għall-parteċipazzjoni, dwar kwistjonijiet bħall-eliġibilità, il-valutazzjoni jew l-IPR, se tapplika għall-komponenti kollha ta’ Orizzont 2020, u d-devjazzjonijiet huma possibbli biss meta ġġustifikati minn ħtiġijiet speċifiċi (1), (3), (4)

Sett ta’ kriterji ċari għal programmi konġunti taħt l-Artikolu 185 u intrapriżi konġunti taħt l-Artikolu 187 se jippermettu li jiġi implimentat sett ta’ inizjattivi iktar b'saħħtu għat-tmexxija ‘l quddiem, filwaqt li jitqiesu l-esperjenza u l-valutazzjonijiet taħt l-FP7 kif ukoll bidliet fir-Regolamenti Finanzjarji (1)

Il-Kummissjon se tkompli tissimplika, tarmonizza u tħaffef il-proċeduri u l-proċessi marbutin mal-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti (1), (3)

L-EIT se jikkontribwixxi għat-triangolu ta’ għarfien billi jikkombina riċerka, edukazzjoni u innovazzjoni eċċellenti, u se jallinja ħidmietu mill-qrib mal-prijoritajiet ta’ Orizzont 2020 (1)

Faċilitar tal-implimentazzjoni

Miżuri ta’ informazzjoni u komunikazzjoni se jkunu parti integrali mill-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020, u b'hekk iwasslu għal fehim pubbliku u parteċipazzjoni u dibattitu aħjar tal-pubbliku (1)

Implimentazzjoni iżjed konsistenti, ta’ kwalità ogħla u iktar effiċjenti se tinkiseb permezz ta’ pjattaforma unika tal-IT  (1), (3), (4)

Proċessi u proċeduri se jiġu razzjonalizzati, inklużi dispożizzjonijiet iddettaljati dwar il-kontenut u l-għamla tal-proposti, il-proċessi sabiex proposti jsiru proġetti, ir-rekwiżiti għar-rappurtar u l-monitoraġġ u dokumenti ta’ gwida u servizzi ta’ appoġġ relatati (3), (4)

Aġenziji li diġà jeżistu se jiġu ottimizzati permezz tad-distribuzzjoni mill-ġdid ta’ kompiti u speċjalizzazzjoni ogħla (1)

Inqas burokrazija fit-tlestija ta’ proposti (simplifikazzjoni tat-termini u l-proċeduri) (1)

Ir-Regolament Finanzjarju se jikkontribwixxi wkoll għas-simplifikazzjoni tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni (pereżempju l-ebda kontijiet bl-imgħax għall-prefinanzjament, VAT eliġibbli, limitazzjoni tal-estrapolazzjoni ta’ żbalji sistematiċi) (1), (2), (3)

Regoli dwar il-finanzjament iżjed sempliċi u iktar faċli li jintużaw

Regola dwar il-finanzjament iktar sempliċi permezz ta’ rata ta’ rimborż unika applikata għall-parteċipanti kollha fl-istess proġett (minflok tliet rati differenti skont it-tip ta’ parteċipant), li tirriżulta f'mudell tar-rimborż tal-ispejjeż iktar faċli li jintuża (1), (2), (3)

Aċċettazzjoni usa' tal-prattiki ta’ kontabilità tal-benefiċjarji (1), (3)

Rimborż ta’ 100 % tal-ispejjeż diretti  (1), (2), (3)

L-ispejjeż indiretti se jiġu koperti minn rata fissa unika applikata għall-ispejjeż diretti, li tnaqqas ir-rata tal-iżbalji fit-talbiet għal kumpens tal-ispejjeż (1), (2), (3)

Forom ġodda ta’ finanzjament (premjijiet, akkwist prekummerċjali, akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi) se jippermettu iżjed flessibilità għal proġetti f'oqsma speċifiċi fejn taw prova li huma adatti (1), (2), (3)

Il-possibilità li jintużaw l-ispejjeż medji għall-persunal, inkluż għal sidien ta’ SMEs mingħajr salarju (1)

Se jitneħħew l-obbligi għar-reġistrazzjoni tal-ħin għal persunal li jaħdem esklussivament fuq proġett fi ħdan Orizzont 2020 (1), (2)

Se jiġu pprovduti referenzi oġġettivi fir-rigward tas-sigħat produttivi annwali  (3), (4)

Se titkompla s-sistema ta’ spejjeż għal kull unità u r-rati fissi għal azzjonijiet ta’ mobilità u taħriġ (Marie Curie) (3), (4)

Strateġija ta’ kontroll ġdida

Strateġija riveduta li tbiddel l-enfasi mill-minimizzazzjoni tar-rati tal-iżbalji għal kontroll ibbażat fuq ir-riskju u l-iskoperta tal-frodi, għandha tnaqqas il-piż tal-kontroll għall-parteċipanti (2), (4)

Tnaqqis tal-piż amministrattiv billi jsiru inqas verifiki (massimu ta’ 7 % tal-benefiċjarji ta’ Orizzont 2020), filwaqt li l-mira tkun li tintlaħaq rata ta’ żbalji ta’ 2 % kif ukoll billi jitnaqqas il-perjodu ta’ limitazzjoni għal verifiki ex-post min ħames għal erba' snin (1), (3)

Estensjoni tal-Fond ta’ Garanzija għall-Parteċipanti għall-azzjonijiet kollha f'Orizzont 2020, biex b'hekk jiġi kopert ir-riskju għat-tipi kollha ta’ azzjoni indiretta (1), (3)

Kontrolli ex-ante tal-kapaċità finanzjarja se jkunu meħtieġa biss għall- koordinaturi, biex b'hekk jitnaqqas il-piż amministrattiv (1)

L-għadd ta’ ċertifikati dwar rapporti finanzjarji se jitnaqqas billi jintalab biss ċertifikat wieħed għal kull benefiċċjarju fi tmiem il-proġett (1)


(1)  COM(2011) 808 finali.

(2)  COM(2011) 809 finali.

(3)  COM(2011) 810 finali.

(4)  COM(2011) 811 finali.