ISSN 1977-0987 doi:10.3000/19770987.C_2012.308.mlt |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 308 |
|
![]() |
||
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 55 |
Avviż Nru |
Werrej |
Paġna |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet |
|
|
OPINJONIJIET |
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
2012/C 308/01 |
||
|
II Komunikazzjonijiet |
|
|
KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA |
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
2012/C 308/02 |
||
2012/C 308/03 |
Bidu ta' proċeduri (Każ COMP/M.6663 – Ryanair/Aer Lingus III) ( 1 ) |
|
|
IV Informazzjoni |
|
|
INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA |
|
|
Il-Kunsill |
|
2012/C 308/04 |
||
2012/C 308/05 |
||
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
2012/C 308/06 |
||
|
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna |
|
2012/C 308/07 |
||
|
V Avviżi |
|
|
PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI |
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
2012/C 308/08 |
Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6675 – GE/Accenture/Taleris) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 ) |
|
2012/C 308/09 |
Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6718 – Toyota Tsusho Corporation/CFAO) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 ) |
|
|
ATTI OĦRAJN |
|
|
Il-Kummissjoni Ewropea |
|
2012/C 308/10 |
||
|
|
|
(1) Test b’relevanza għaż-ŻEE |
MT |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet
OPINJONIJIET
Il-Kummissjoni Ewropea
12.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 308/1 |
OPINJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-11 ta’ Ottubru 2012
li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari Bugey-1, li jinsab fi Franza, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom
(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)
2012/C 308/01
Il-valutazzjoni t’hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni addizzjonali li trid titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u minn leġiżlazzjoni sekondarja (1).
Fl-4 ta' Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea rċiviet mingħand il-Gvern Franċiż, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom, Dejta Ġenerali li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari Bugey-1.
Abbażi ta’ din id-dejta, u wara li kkonsultat il-Grupp ta' Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:
1. |
Id-distanzi bejn l-impjant tal-enerġija Bugey-1 u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor huma 117-il km għall-Italja u 226 km għall-Ġermanja. |
2. |
Matul operazzjonijiet normali ta’ żarmar, l-iskariki ta’ effluwenti likwidi u gassużi radjuattivi ma jwasslux għall-esponiment tal-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor, li jkun sinifikanti mil-lat ta' saħħa. |
3. |
Skart radjuattiv solidu jinħażen temporanjament fis-sit qabel ma jiġi ttrasferit għal faċilitajiet liċenzjati ta’ trattament jew ta' rimi li jinsabu fi Franza. Ma hemm l-ebda pjan għall-esportazzjoni ta' skart radjuattiv barra minn Franza. |
4. |
Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-kontrolli tal-konċentrazzjoni tal-attività residwa, imwettqa biex tiġi kkonfermata n-natura konvenzjonali tal-iskart solidu wara d-dekontaminazzjoni, ikunu tali li tiġi żgurata l-konformità mal-kriterji tal-approvazzjoni stabbiliti fid-Direttiva dwar l-istandards bażiċi ta’ sigurtà (id-Direttiva 96/29/Euratom). |
5. |
Fil-każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jseħħu wara xi aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li x'aktarx jaslu għand il-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mil-lat ta' saħħa. |
Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hi tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv fi kwalunkwe għamla li jirriżulta miż-żarmar tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari Bugey-1, li jinsab fi Franza, kemm waqt it-tħaddim normali kif ukoll fil-każ ta' aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, x'aktarx li ma tirriżultax f'kontaminazzjoni radjuattiva, li tkun sinifikanti mil-lat ta' saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta' Stat Membru ieħor.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Ottubru 2012.
Għall-Kummissjoni
Günther OETTINGER
Membru tal-Kummissjoni
(1) Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali għandhom jiġu vvalutati aktar. B'mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.
II Komunikazzjonijiet
KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA
Il-Kummissjoni Ewropea
12.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 308/3 |
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011)
L-Istati Membri kollha aċċettaw il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-miżuri xierqa skont l-Artikolu 108(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
(skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 KE (1) )
2012/C 308/02
Fil-paragrafu 70 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’ servizz pubbliku (2011) (2), il-Kummissjoni pproponiet bħala miżuri xierqa li l-Istati Membri jippubblikaw lista tal-iskemi ta' għajnuna eżistenti li jridu jkunu konformi ma' din il-Komunikazzjoni sal-31 ta’ Jannar 2013 kif ukoll li jġibu dawn l-iskemi konformi ma’ din il-Komunikazzjoni sal-31 ta’ Jannar 2014. Il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jikkonfermaw mal-Kummissjoni sad-29 ta’ Frar 2012 li jaqblu mal-miżuri xierqa proposti (il-paragrafu 71 ta’ din il-Komunikazzjoni).
L-Istati Membri kollha qablu b’mod espliċitu u bla kundizzjonijiet mal-miżuri xierqa proposti.
Skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni tieħu nota ta’ dan il-qbil espliċitu u bla kundizzjonijiet dwar il-miżuri xierqa mill-Istati Membri kollha.
12.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 308/4 |
Bidu ta' proċeduri
(Każ COMP/M.6663 – Ryanair/Aer Lingus III)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2012/C 308/03
Fid-29 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċeduri fil-każ ta’ hawn fuq wara li sabet li l-konċentrazzjoni nnotifikata tqajjem dubji serji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Il-bidu tal-proċeduri jiftaħ it-tieni fażi ta' investigazzjoni fir-rigward tal-konċentrazzjoni nnotifikata, u jsir mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali dwar il-każ. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004.
Il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati sabiex jissottomettu lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet li jistgħu jkollhom dwar il-konċentrazzjoni proposta.
Sabiex l-osservazzjonijiet jiġu kkunsidrati bis-sħiħ fil-proċedura, dawn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni mhux iktar tard minn 15-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni. L-osservazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-fax (+32 22964301 / 22967244) jew bil-posta, bin-numru ta' referenza COMP/M.6663 – Ryanair/Aer Lingus III, fl-indirizz li ġej:
Kummissjoni Ewropea |
Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni |
Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet |
J-70 |
1049 Bruxelles/Brussel |
BELGIQUE/BELGIË |
IV Informazzjoni
INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA
Il-Kunsill
12.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 308/5 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-24 ta’ Settembru 2012
li ġġedded il-Bord Amministrattiv taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali
2012/C 308/04
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 tal-10 ta' Frar 1975 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali, u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu (1),
Wara li kkunsidra n-nomina ppreżentata mill-Gvern Grieg,
Billi:
(1) |
Bid-Deċiżjoni tiegħu tas-16 ta' Lulju 2012 (2), il-Kunsill ħatar il-membri tal-Bord Amministrattiv taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali għall-perijodu mit-18 ta' Settembru 2012 sas-17 ta' Settembru 2015. |
(2) |
Il-membri tal-Bord Amministrattiv ta' dak iċ-Ċentru għandhom jinħatru għal perijodu ta' tliet snin, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu uniku
Il-persuna li ġejja hija b'dan maħtura membru tal-Bord Amministrattiv taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali għall-bqija tal-mandat, li jiskadi fis-17 ta' Settembru 2015:
RAPPREŻENTANT TAL-GVERN:
Greċja |
Is-Sur Dimitrios V. SKIADAS |
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
S. ALETRARIS
(2) ĠU C 228, 31.7.2012, p. 3.
12.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 308/6 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-24 ta' Settembru 2012
li ġġedded il-Bord Amministrattiv taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali
2012/C 308/05
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 tal-10 ta' Frar 1975 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali, u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu (1),
Wara li kkunsidra n-nomina ppreżentata mill-Gvern Latvjan,
Billi:
(1) |
Bid-Deċiżjoni tiegħu tas-16 ta' Lulju 2012 (2), il-Kunsill ħatar il-membri tal-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali għall-perijodu mit-18 ta' Settembru 2012 sas-17 ta' Settembru 2015. |
(2) |
Post ta' membru fuq il-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru fil-kategorija tar-rappreżentanti tal-Gvern sar vakanti b'segwitu għar-riżenja tas-Sur Janis GAIGALS. |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu uniku
Il-persuna li ġejja hija b'dan maħtura membru tal-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Professjonali għall-bqija tal-mandat, li jiskadi fis-17 ta' Settembru 2015:
RAPPREŻENTANT TAL-GVERN:
Latvja |
Is-Sinjura Nellija TITOVA |
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2012.
Għall-Kunsill
Il-President
S. ALETRARIS
(2) ĠU C 228, 31.7.2012, p. 3.
Il-Kummissjoni Ewropea
12.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 308/7 |
Rata tal-kambju tal-euro (1)
Il-11 ta’ Ottubru 2012
2012/C 308/06
1 euro =
|
Munita |
Rata tal-kambju |
USD |
Dollaru Amerikan |
1,2918 |
JPY |
Yen Ġappuniż |
101,26 |
DKK |
Krona Daniża |
7,4588 |
GBP |
Lira Sterlina |
0,80525 |
SEK |
Krona Żvediża |
8,6627 |
CHF |
Frank Żvizzeru |
1,2087 |
ISK |
Krona Iżlandiża |
|
NOK |
Krona Norveġiża |
7,3825 |
BGN |
Lev Bulgaru |
1,9558 |
CZK |
Krona Ċeka |
24,940 |
HUF |
Forint Ungeriż |
281,85 |
LTL |
Litas Litwan |
3,4528 |
LVL |
Lats Latvjan |
0,6961 |
PLN |
Zloty Pollakk |
4,0910 |
RON |
Leu Rumen |
4,5703 |
TRY |
Lira Turka |
2,3407 |
AUD |
Dollaru Awstraljan |
1,2573 |
CAD |
Dollaru Kanadiż |
1,2645 |
HKD |
Dollaru ta' Hong Kong |
10,0148 |
NZD |
Dollaru tan-New Zealand |
1,5796 |
SGD |
Dollaru tas-Singapor |
1,5857 |
KRW |
Won tal-Korea t'Isfel |
1 438,56 |
ZAR |
Rand ta' l-Afrika t'Isfel |
11,2664 |
CNY |
Yuan ren-min-bi Ċiniż |
8,1086 |
HRK |
Kuna Kroata |
7,5225 |
IDR |
Rupiah Indoneżjan |
12 389,32 |
MYR |
Ringgit Malażjan |
3,9622 |
PHP |
Peso Filippin |
53,548 |
RUB |
Rouble Russu |
40,1155 |
THB |
Baht Tajlandiż |
39,671 |
BRL |
Real Brażiljan |
2,6339 |
MXN |
Peso Messikan |
16,6904 |
INR |
Rupi Indjan |
68,0200 |
(1) Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
12.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 308/8 |
Deċiżjoni tar-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
tat-8 ta’ Diċembru 2011
dwar ir-Regoli li jirrigwardaw il-Protezzjoni tad-Dejta
2012/C 308/07
IR-RAPPREŻENTANTA GĦOLJA,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (2010/427/UE), (“id-Deċiżjoni SEAE tal-Kunsill”) b'mod partikulari l-Artikolu 11(3) tagħha.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI.
TAQSIMA 1
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“ir-Regolament”) rigward is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (“SEAE”), skont l-Artikolu 24(8) tiegħu.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni u mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet li jipprovdi r-Regolament:
(a) |
“kontrollur” tfisser is-SEAE, id-diretturi eżekuttivi tiegħu, id-diretturi, jew il-kapijiet tas-servizzi ta' daqs jew funzjoni ekwivalenti, kif ukoll il-kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, li, waħidhom jew flimkien ma’ oħrajn, jiddeterminaw l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-dejta personali. |
(b) |
“koordinatur tal-protezzjoni tad-dejta” tfisser membru tal-persunal AD tas-SEAE maħtur biex jikkoordina u jassisti fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta fil-livelli ta’ direttorati jew servizzi ta' daqs jew funzjoni ekwivalenti, kif ukoll f'Delegazzjonijiet tal-Unjoni jekk meħtieġ. |
(c) |
“proċessur” tfisser membru tal-persunal tas-SEAE jew entitajiet kuntrattati fdati b’kompiti ta’ pproċessar tad-dejta mill-kontrollur. |
(d) |
“persunal tas-SEAE” tfisser, skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni SEAE tal-Kunsill, dawk l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu għas-SEAE, inklużi membri tal-persunal mis-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri maħturin bħala aġenti temporanji, u esperti nazzjonali speċjalizzati ssekondati. |
TAQSIMA 2
L-UFFIĊJAL TAL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA
Artikolu 3
Ħatra u Status tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dejta (UPD)
1. L-Uffiċjal Kap Operattiv (Chief Operating official — COO) jagħżel u jaħtar l-UPD, skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament, u jirreġistrah mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta (“KEPD”). L-UPD jkun assenjat direttament mas-COO.
2. Il-mandat tal-kariga tal-UPD ikun ta' ħames snin u jista' jiġġedded darba.
3. Fir-rigward tal-qadi ta' dmirijietu, l-UPD għandu jaġixxi b'mod indipendenti u f'kooperazzjoni mal-KEPD. B'mod partikolari, l-UPD ma jista' jirċievi l-ebda struzzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra tas-SEAE jew mingħand xi ħadd ieħor dwar l-applikazzjoni interna tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament u ta’ din id-Deċiżjoni jew dwar il-kooperazzjoni tiegħu mal-KEPD. L-UPD jattendi sessjonijiet ta’ taħriġ għall-protezzjoni tad-dejta fuq bażi regolari u s-COO jieħu l-miżuri meħtieġa biex dan isir.
4. Is-COO għandu jivvaluta l-prestazzjoni tal-kompiti u d-doveri tal-UPD fuq bażi annwali, l-aktar fuq il-bażi tar-rapport annwali tal-UPD, wara li jikkonsulta lill-KEPD kif xieraq. L-UPD jista' jitneħħa mill-kariga tiegħu biss bil-kunsens tal-KEPD, jekk ma jissodisfax aktar il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-qadi ta' dmirijietu.
5. Mingħajr ħsara għall-proċedura prevista għall-ħatra tiegħu, l-UPD jiġi infurmat dwar il-kuntatti kollha ma' partijiet esterni rigward l-applikazzjoni tar-Regolament u ta’ din id-Deċiżjoni, partikolarment rigward l-interazzjoni mal-KEPD.
6. Mingħajr ħsara għad-disposizzjonijiet tar-Regolament, l-UPD u l-persunal tiegħu jkunu suġġetti għar-regoli u r-regolamenti applikabbli għall-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Dmirijiet
L-UPD:
(a) |
jiżgura li l-kontrolluri, il-koordinaturi tal-protezzjoni tad-dejta u s-suġġetti tad-dejta jkunu mgħarrfin bid-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament u din id-Deċiżjoni u li d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-dejta x’aktarx li ma jkunux affettwati b’mod negattiv minn operazzjonijiet ta’ ipproċessar. Fit-twettiq ta' dan il-kompitu, huwa partikolarment jistabbilixxi formoli ta' informazzjoni u ta' notifika, jikkonsulta mal-partijiet interessati u jissensibilizza l-kuxjenza ġenerali dwar kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-dejta; |
(b) |
iwieġeb għal talbiet mill-KEPD u, fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu, jikkoopera mal-KEPD fuq talba ta' dan tal-aħħar jew fuq inizjattiva tiegħu stess; |
(c) |
jiżgura b'mod indipendenti l-applikazzjoni interna tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament u ta’ din id-Deċiżjoni fis-SEAE; |
(d) |
iżomm reġistru tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar kollha mwettqa mis-SEAE u jagħti aċċess għalih lil kwalunkwe persuna direttament jew indirettament permezz tal-KEPD, b’konformità mal-Artikoli 14 u 15; tali reġistru jista’ wkoll jinżamm f'format elettroniku; |
(e) |
jinnotifika lill-KEPD dwar l-operazzjonijiet ta' ipproċessar li aktarx joħolqu riskji speċifiċi msemmija fl-Artikolu 27(2) tar-Regolament. |
Artikolu 5
Kompiti
1. Barra mid-dmirijiet li jridu jitwettqu kif stabbilit fl-Artikolu 4, l-UPD:
(a) |
jaġixxi bħala konsulent għall-Awtorità tal-Ħatra tas-SEAE u għall-kontrolluri dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tar-Regolament u ta' din id-Deċiżjoni. L-UPD jista' jiġi kkonsultat mill-Awtorità tal-Ħatra, mill-kontrolluri u l-proċessuri kkonċernati, mill-Kumitat tal-Persunal u minn kwalunkwe membru tal-persunal tas-SEAE, mingħajr ma jgħaddu mill-kanali uffiċjali, fuq kwalunkwe materja li tirrigwarda l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tar-Regolament u ta’ din id-Deċiżjoni; |
(b) |
b'inizjattiva tiegħu stess jew bl-inizjattiva tal-Awtorità tal-Ħatra, il-kontrolluri, il-proċessuri, il-Kumitat tal-Persunal jew kwalunkwe membru tal-persunal tas-SEAE, jinvestiga kwistjonijiet u okkorrenzi li għandhom x'jaqsmu direttament mal-kompiti tiegħu u li jinġiebu għall-attenzjoni tiegħu, u jirrapporta lura lill-Awtorità tal-Ħatra jew lill-persuna li tkun ikkummissjonat l-investigazzjoni. Jekk jitqies xieraq, il-partijiet l-oħra kollha kkonċernati għandhom jiġu nfurmati kif xieraq. Jekk min iressaq l-ilment ikun individwu, jew f'każ li min iressaq l-ilment ikun qed jaġixxi f'isem individwu, l-UPD irid, sa fejn possibbli, jiżgura li t-talba tinżamm kunfidenzjali, sakemm is-suġġett tad-dejta kkonċernat ma jagħtix il-kunsens ċar tiegħu sabiex it-talba tiġi ttrattata mod ieħor; |
(c) |
jikkoopera fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu mal-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Dejta ta' korpi, istituzzjonijiet, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni Ewropea, partikolarment billi jkun hemm skambju ta' esperjenzi u tal-aħjar prattiki; |
(d) |
jirrappreżenta lir-Rappreżentanta Għolja jew lill-SEAE kif jixraq dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-protezzjoni tad-dejta fuq livell internazzjonali, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, inkluż b’mod partikolari l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
(e) |
jissottometti rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu lir-Rappreżentanta Għolja u jagħmlu disponibbli lill-persunal tas-SEAE. |
2. Mingħajr ħsara għall-Artikoli 4(b), 5(1)(b), (c) u 15, l-UPD u l-persunal tiegħu ma għandhomx jagħtu informazzjoni jew dokumenti li huma jiksbu matul it-twettiq ta' dmirijiethom u tal-kompiti tagħhom.
Artikolu 6
Setgħat
Fit-twettiq tal-kompiti u tad-dmirijiet tiegħu l-UPD:
(a) |
ikollu aċċess fi kwalunkwe ħin għad-dejta li tkun is-suġġett ta' operazzjonijiet ta' pproċessar u għall-uffiċċji, installazzjonijiet ta' ipproċessar tad-dejta u l-kontenituri tad-dejta kollha; |
(b) |
jista' jitlob opinjonijiet legali mit-Taqsima tal-Affarijiet Legali tas-SEAE; |
(c) |
jista’ juża s-servizzi ta' esperti esterni tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni fuq ftehim minn qabel tal-Uffiċjal Awtorizzanti b’konformità mar-Regolament Finanzjarju (Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002) u r-Regoli ta' implimentazzjoni tiegħu; |
(d) |
jista’, mingħajr ħsara għad-dmirijiet u s-setgħat tal-KEPD, jipproponi miżuri amministrattivi u joħroġ rakkomandazzjonijiet ġenerali dwar l-applikazzjoni xierqa tar-Regolament u ta' din id-Deċiżjoni; |
(e) |
jista' jagħmel, f'każijiet speċifiċi, kwalunkwe rakkomandazzjoni oħra għat-titjib prattiku tal-protezzjoni tad-dejta lill-ġerarkija tas-SEAE u/jew lill-partijiet l-oħra kollha kkonċernati; |
(f) |
jista' jiġbed l-attenzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tas-SEAE għal kwalunkwe nuqqas ta' membru tal-persunal li jikkonforma mal-obbligi taħt ir-Regolament u taħt din id-Deċiżjoni u jissuġġerixxi li tinbeda investigazzjoni amministrattiva bil-għan tal-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 49 tar-Regolament. |
Artikolu 7
Riżorsi
L-UPD jiġi provdut b'persunal u riżorsi adegwati li huma meħtieġa sabiex iwettaq id-dmirijiet u l-kompiti tiegħu.
TAQSIMA 3
DRITTIJIET U OBBLIGI TAL-ATTURI FIL-QASAM TAL-PROTEZZJONI TAD-DEJTA
Artikolu 8
Awtorità tal-Ħatra
1. F'każ ta' lment fis-sens tal-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar vjolazzjoni tar-Regolament jew ta’ din id-Deċiżjoni, l-Awtorità tal-Ħatra tikkonsulta lill-UPD, li min-naħa tiegħu jagħti l-opinjoni tiegħu bil-miktub sa mhux aktar tard minn 15-il jum minn meta tkun waslet it-talba. Jekk, wara t-tmiem dan il-perjodu, l-UPD ma jkunx ta l-opinjoni tiegħu lill-Awtorità tal-Ħatra, din ma tkunx aktar meħtieġa. L-Awtorità tal-Ħatra mhix marbuta bl-opinjoni tal-UPD.
2. L-UPD jiġi infurmat kull meta tkun qegħda tiġi kkunsidrata kwistjoni li jkollha, jew li jista' jkollha, implikazzjonijiet għall-protezzjoni tad-dejta.
Artikolu 9
Kontrolluri
1. Il-kontrolluri huma responsabbli biex jiżguraw li l-operazzjonijiet tal-ipproċessar kollha taħt il-kontroll tagħhom ikunu konformi mar-Regolament u mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni. Huma jistgħu kif meħtieġ jafdaw kompiti ta’ pproċessar tad-dejta lil membri tal-persunal tas-SEAE li jaħdmu taħt ir-responsabbiltà tagħhom jew lil entitajiet ikkuntrattati, b’konformità mal-Artikolu 23 tar-Regolament.
2. B'mod partikolari, il-kontrolluri:
(a) |
javżaw minn qabel lill-UPD bi kwalunkwe operazzjoni ta' ipproċessar jew sett ta' tali operazzjonijiet li jkunu ntiżi għal skop wieħed jew għal diversi skopijiet relatati, kif ukoll bi kwalunkwe bidla sostanzjali ta' operazzjoni ta' ipproċessar eżistenti. |
(b) |
jassistu lill-UPD u lill-KEPD fit-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom, partikolarment billi jagħtu informazzjoni bi tweġiba għat-talbiet tagħhom sa mhux aktar tard minn 30 jum; |
(c) |
jikkooperaw mal-koordinaturi tal-protezzjoni tad-dejta biex jistabbilixxu l-inventarju ta' operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta personali eżistenti. |
(d) |
jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa u jagħtu istruzzjonijiet adegwati lill-proċessuri sabiex jiżguraw kemm il-konfidenzjalità tal-ipproċessar kif ukoll livell ta' sigurtà skont ir-riskji involuti fl-ipproċessar; |
(e) |
fejn xieraq, jikkonsultaw lill-UPD dwar il-konformità tal-operazzjonijiet ta' ipproċessar mar-Regolament u ma’ din id-Deċiżjoni, u partikolarment meta jkun hemm raġuni biex jemmnu li ċerti operazzjonijiet ta' ipproċessar mhumiex kompatibbli mal-Artikoli 4 sa 10 tar-Regolament. Huma jistgħu wkoll jikkonsultaw lill-UPD u/jew esperti interni tas-sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-konfidenzjalità tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar u dwar il-miżuri ta’ sigurtà meħuda skont l-Artikolu 22 tar-Regolament. |
Artikolu 10
Koordinaturi
1. Kull director eżekuttiv jew direttur jew kap ta' servizz ta’ daqs jew funzjoni ekwivalenti, jew kap ta' Delegazzjoni tal-Unjoni kif meħtieġ, jinnomina koordinatur tal-protezzjoni tad-dejta li jaħdem taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Mingħajr ħsara għar-responsabbiltajiet tal-UPD, kull koordinatur:
(a) |
jassisti fiż-żamma ta’ inventarju tal-ipproċessar kollu tad-dejta personali u jikkoopera mal-UPD bil-għan li jitwaqqaf u jiġi aġġornat l-inventarju ta' operazzjonijiet ta' pproċessar eżistenti ta' dejta personali; |
(b) |
jassisti biex jiġu identifikati l-kontrolluri u proċessuri rispettivi; |
(c) |
jkollu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrolluri, il-proċessuri u mill-persunal tas-SEAE informazzjoni adegwata u neċessarja meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti amministrattivi tiegħu. Dan ma jinkludix id-dritt għall-aċċess ta' dejta pproċessata taħt ir-responsabbiltà tal-kontrollur. |
(d) |
japprova n-notifiki korporattivi rigward it-tipi jew kategoriji ta’ operazzjonijiet għall-ipproċessar tad-dejta lill-UPD. |
2. Mingħajr ħsara għar-responsabbiltajiet tal-kontrolluri, il-koordinaturi:
(a) |
jassistu lill-kontrolluri biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom; |
(b) |
fejn xieraq, jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn l-UPD u l-kontrolluri. |
Artikolu 11
Persunal tas-SEAE
1. B'mod partikolari, il-persunal kollu tas-SEAE jikkontribwixxi għall-applikazzjoni tar-regoli ta’ konfidenzjalità u sigurtà għall-ipproċessar ta' dejta personali kif previst fl-Artikoli 21 u 22 tar-Regolament. L-ebda membru tal-persunal tas-SEAE b'aċċess għal dejta personali ma jipproċessaha ħlief b'istruzzjonijiet mill-kontrolluri, sakemm ma jkunx meħtieġ li jagħmel hekk b'liġi nazzjonali jew tal-Unjoni.
2. Kwalunkwe membru tal-persunal tas-SEAE jista' jressaq ilment lill-KEPD dwar allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament jew ta’ din id-Deċiżjoni li jirregolaw l-ipproċessar ta' dejta personali, mingħajr ma jaġixxi permezz tal-kanali uffiċjali, kif speċifikat mir-Regoli stabbiliti mill-KEPD.
Artikolu 12
Suġġetti tad-Dejta
1. Apparti mid-dritt tas-suġġetti tad-dejta li jkunu infurmati kif xieraq dwar kwalunkwe ipproċessar ta' dejta personali li għandha x'taqsam magħhom, skont l-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament, is-suġġetti tad-dejta jistgħu javviċinaw lill-kontrollur ikkonċernat sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont l-Artikoli 13 sa 19 tar-Regolament, kif speċifikat f'Taqsima 5 ta' din id-Deċiżjoni.
2. Mingħajr ħsara għal kwalunkwe rimedju ġudizzjarju, kull suġġett tad-dejta jista' jressaq ilment lill-KEPD jekk jikkonsidra li skont ir-Regolament jew din id-Deċiżjoni kien hemm ksur tad-drittijiet tiegħu bħala riżultat tal-ipproċessar tad-dejta personali tiegħu mill-kontrolluri, kif speċifikat fir-regoli stabbiliti mill-KEPD.
3. Ebda suġġett tad-dejta ma jsofri preġudizzju minħabba lment li jkun ressaq lill-KEPD jew minħabba kwistjoni li jkun ressaq għall-attenzjoni tal-UPD fejn jallega ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament.
TAQSIMA 4
REĠISTRU TAL-OPERAZZJONIJIET TA' PPROĊESSAR INNOTIFIKATI
Artikolu 13
Proċedura ta' notifika
1. Il-kontrolluri jinnotifikaw lill-UPD bi kwalunkwe operazzjoni ta' ipproċessar ta' dejta personali abbażi ta' formola ta' notifika magħmula aċċessibbli fuq is-sit tal-Intranet tas-SEAE (taħt “Protezzjoni ta' Dejta”). In-notifika tiġi trażmessa lill-UPD elettronikament. Notifika ta' konferma tintbagħat lill-UPD permezz ta’ nota bil-miktub fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol. Meta jirċievi n-notifika ta' konferma, l-UPD jippubblikaha fir-Reġistru.
2. In-notifika tkun tinkludi l-informazzjoni kollha speċifikata fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament. Kull bidla li taffettwa din l-informazzjoni minnufih tiġi nnotifikata lill-UPD.
3. Regoli u proċeduri ulterjuri rigward il-proċedura ta' notifika li trid tiġi segwita mill-kontrolluri jkunu jiffurmaw parti mir-rakkomandazzjonijiet ġenerali maħruġa mill-UPD.
Artikolu 14
Il-kontenut u l-iskop tar-Reġistru
1. L-UPD iżomm Reġistru tal-operazzjonijiet ta' ipproċessar imwettqa fuq dejta personali, li jiġi stabbilit abbażi tan-notifiki li jkunu waslu mingħand il-kontrolluri.
2. Ir-Reġistru jkun jinkludi mill-anqas l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(2)(a) sa (g) tar-Regolament. Madankollu, l-informazzjoni mdaħħla fir-Reġistru mill-UPD tista' tkun eċċezzjonalment limitata meta jkun meħtieġ li tiġi salvagwardjata s-sigurtà ta' operazzjoni speċifika ta' pproċessar.
3. Ir-Reġistru jservi ta' repertorju tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-dejta personali mwettqa mis-SEAE. Dan ikun aċċessibbli għas-suġġetti tad-dejta sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom kif stabbilit fl-Artikoli 13 sa 19 tar-Regolament u f'din id-Deċiżjoni.
Artikolu 15
Aċċess għar-Reġistru
1. L-UPD jieħu miżuri xierqa sabiex jiżgura li kull suġġett tad-dejta jkollu aċċess għar-Reġistru, jew direttament jew indirettament permezz tal-KEPD. B'mod partikolari, l-UPD jipprovdi informazzjoni u assistenza lis-suġġetti tad-dejta dwar kif u fejn jistgħu jsiru applikazzjonijiet għal aċċess għar-Reġistru.
2. Ħlief meta jkun mogħti l-aċċess on-line, l-applikazzjonijiet għal aċċess għar-Reġistru jistgħu jsiru fi kwalunkwe forma bil-miktub, inkluż elettronikament, f'waħda mill-lingwi msemmija fl-Artikolu 342 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod li jkun preċiż biżżejjed sabiex l-UPD ikun jista’ jidentifika l-operazzjonijiet ta' ipproċessar ikkonċernati. Konferma tar-riċevuta tintbagħat lill-applikant mingħajr dewmien.
3. Jekk applikazzjoni ma tkunx perċiża biżżejjed, l-UPD jistaqsi lill-applikant biex jiċċara l-applikazzjoni u jassisti lill-applikant biex jagħmel dan. Fil-każ li applikazzjoni tkun relatata ma’ għadd kbir ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar, l-UPD jista’ jikkonsulta lill-applikant informalment, bil-għan li tinstab soluzzjoni ġusta.
4. Kwalunkwe suġġett tad-dejta jista' titlob mingħand l-UPD kopja tal-informazzjoni li tkun disponibbli fir-Reġistru dwar kwalunkwe operazzjoni ta' ipproċessar innotifikata.
TAQSIMA 5
PROĊEDURA GĦAS-SUĠĠETTI TAD-DEJTA SABIEX JEŻERĊITAW ID-DRITTIJIET TAGĦHOM
Artikolu 16
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta speċifikati f'din it-Taqsima jistgħu jiġu eżerċitati biss mill-individwi kkonċernati jew, f'każijiet eċċezzjonali, f'isem l-individwi b'awtorizzazzjoni xierqa. It-talbiet ikunu indirizzati lill-kontrollur kkonċernat bil-miktub b'kopja lill-UPD. Jekk ikun hemm bżonn, l-UPD jassisti lis-suġġett tad-dejta biex jidentifika l-kontrollur ikkonċernat. L-UPD jagħmel disponibbli formoli speċifiċi. Il-kontrolluri jilqgħu t-talba biss jekk il-formola tkun imtliet kollha u jekk l-identità tal-applikant tkun ġiet ivverifikata kif suppost. L-eżerċizzju mis-suġġetti tad-dejta tad-drittijiet tagħhom ikun bla ħlas.
2. Il-kontrollur ikkonċernat jibgħat lill-applikant konferma li rċeviha, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tkun ġiet irreġistrata l-applikazzjoni. Sakemm mhux previst mod ieħor, il-kontrollur iwieġeb għat-talba mhux aktar tard minn ħmistax-il jum tax-xogħol mir-reġistrazzjoni tat-talba u jew jagħti sodisfazzjon jew jiddikjara bil-miktub ir-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali, partikolarment f'każijiet fejn l-applikant ma jkunx ikkunsidrat bħala s-suġġett tad-dejta.
3. F'każijiet ta' irregolaritajiet jew użu ħażin ovvju mis-suġġett tad-dejta fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu u fejn ikun allegat mis-suġġett tad-dejta li l-ipproċessar ma jkunx skont il-liġi, il-kontrollur irid jikkonsulta lill-UPD dwar it-talba u/jew jirreferi s-suġġett tad-dejta lill-UPD, li jiddeċiedi dwar l-eliġibbiltà tat-talba u dwar is-segwitu xieraq li jrid jingħata.
4. Kull suġġett tad-dejta jista' jikkonsulta lill-UPD rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu f'każ speċifiku. Mingħajr ħsara għal kwalunkwe rimedju ġudizzjarju, kull suġġett tad-dejta jista' jressaq ilment lill-KEPD jekk jikkonsidra li d-drittijiet tiegħu taħt ir-Regolament ikunu nkisru bħala riżultat tal-ipproċessar tad-dejta personali tiegħu.
Artikolu 17
Dritt ta' aċċess
Is-suġġett tad-dejta jkollu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrolluri, mingħajr restrizzjoni, f'kull ħin fi żmien tliet xhur minn meta tasal it-talba, l-informazzjoni msemmija f'punti (a) sa (d) tal-Artikolu 13 tar-Regolament, jew billi jikkonsulta din id-dejta fuq il-post, jew billi jirċievi kopja, inkluż fejn xieraq, kopja f'forma elettronika, skont il-preferenza tal-applikant.
Artikolu 18
Dritt ta' rettifika
Kull talba tas-suġġett tad-dejta għal rettifika ta' dejta personali mhux eżatta jew mhux kompleta tkun tispeċifika d-dejta kkonċernata kif ukoll ir-rettifika li trid issir. Din tiġi trattata mill-kontrollur mingħajr dewmien.
Artikolu 19
Dritt ta' imblukkar
Il-kontrollur konċernat għandu jittratta kull talba għall-imblukkar ta' dejta skont l-Artikolu 15 tar-Regolament mingħajr dewmien. It-talba tkun tispeċifika d-dejta kkonċernata kif ukoll ir-raġuni għaliex ġiet imblukkata. Il-kontrollur javża lis-suġġett tad-dejta li jkun għamel it-talba qabel ma d-dejta tiġi żblukkata.
Artikolu 20
Dritt ta' tħassir
Is-suġġett tad-dejta jista' jitlob lill-kontrolluri sabiex iħassru id-dejta bla dewmien f'każ ta' ipproċessar mhux skont il-liġi, partikolarment fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 sa 10 tar-Regolament ikunu nkisru. It-talba tkun tispeċifika d-dejta kkonċernata u tipprovdi r-raġunijiet jew il-provi tal-illegalità tal-ipproċessar. F'sistemi ta' fajling awtomatizzati, it-tħassir fil-prinċipju jiġi żgurat bil-mezzi tekniċi xierqa kollha, sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà ta' aktar ipproċessar tad-dejta li tkun tħassret. Jekk it-tħassir għal raġunijiet tekniċi ma jkunx possibbli, il-kontrollur ikkonċernat, wara konsultazzjoni mal-UPD u mal-persuna interessata, jipproċedi għall-imblukkar immedjat ta' tali dejta.
Artikolu 21
Notifika lill-partijiet terzi
F'każ ta' xi rettifika, imblukkar jew tħassir wara talba magħmula mis-suġġett tad-dejta, l-istess suġġett jista’ jikseb mill-kontrollur in-notifika lill-partijiet terzi li lilhom tkun ġiet żvelata d-dejta personali tiegħu, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew ma jinvolvix sforz sproporzjonat.
Artikolu 22
Dritt ta' oġġezzjoni
Is-suġġett tad-dejta jista' joġġezzjona għall-ipproċessar tad-dejta li tirrigwardah u għall-iżvelar jew użu tad-dejta personali tiegħu, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament. It-talba tkun tispeċifika d-dejta kkonċernata u tipprovdi r-raġunijiet li jiġġustifikaw it-talba. Meta l-oġġezzjoni tkun ġustifikata, l-ipproċessar inkwistjoni ma jkunx aktar jinvolvi dik id-dejta.
Artikolu 23
Deċiżjonijiet individwali awtomatizzati
Is-suġġett tad-dejta hu intitolat li ma jkunx is-suġġett ta' deċiżjonijiet individwali awtomatizzati skont it-tifsira fl-Artikolu 19 tar-Regolament, sakemm id-deċiżjoni ma tkunx espliċitament awtorizzata skont il-liġijiet nazzjonali jew tal-Unjoni, jew b'deċiżjoni tal-KEPD li tissalvagwardja l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-dejta. F'kull każ, is-suġġett tad-dejta jkollu l-opportunità li jgħarraf bil-quddiem il-fehma tiegħu u li jikkonsulta lill-UPD.
Artikolu 24
Eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet
1. Il-kontrollur jista' jirrestrinġi d-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 17 sa 21 ta' din id-Deċiżjoni sa fejn ir-raġunijiet leġittimi kif speċifikati fl-Artikolu 20 tar-Regolament ikunu jiġġustifikaw dan b'mod ċar. Ħlief f'każ ta' neċessità assoluta, il-kontrollur ikkonċernat l-ewwel jikkonsulta lill-UPD, li l-opinjoni tiegħu ma torbotx lis-SEAE. Il-kontrollur iwieġeb għal talbiet dwar l-applikazzjoni ta' eċċezzjonijiet jew restrizzjonijiet fl-eżerċizzju ta' drittijiet mingħajr dewmien u jissostanzja din id-deċiżjoni.
2. Kull suġġett tad-dejta jista' jitlob lill-KEPD japplika l-Artikolu 47(1)(c) tar-Regolament.
TAQSIMA 6
PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI
Artikolu 25
Modalitajiet prattiċi
1. Talbiet għal investigazzjoni jiġu indirizzati bil-miktub lill-UPD billi tintuża formola speċifika li tkun magħmula disponibbli minnu. F'każ ta' użu ħażin ovvju tad-dritt li tkun mitluba investigazzjoni, per eżempju fejn l-istess individwu jkun għadu kif għamel talba identika reċentement, l-UPD mhux obbligat iwieġeb lura lil min ikun għamel it-talba.
2. Fi żmien 15-il jum minn meta tkun waslet it-talba, l-UPD jibgħat konferma li rċeviha lill-Awtorità tal-Ħatra jew lill-persuna li tkun ikkommissjonat l-investigazzjoni u jivverifika jekk it-talba għandhiex tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali.
3. L-UPD jitlob mingħand il-kontrollur responsabbli mill-operazzjoni ta' ipproċessar tad-dejta inkwistjoni stqarrija bil-miktub dwar il-każ. Il-kontrollur iwieġeb lill-UPD fi żmien 15-il jum. L-UPD jista’ jitlob tagħrif kumplimentari mingħand servizzi oħra tas-SEAE, bħad-Dipartiment tas-Sigurtà u s-Sigurtà tal-Informazzjoni (Infosec) tas-SEAE. Jekk xieraq, huwa jista' jitlob opinjoni dwar il-kwistjoni mit-Taqsima tal-Affarijiet Legali tas-SEAE. L-UPD jiġi provdut bl-informazzjoni jew bl-opinjoni fi żmien 30 jum.
4. L-UPD jirrapporta lura lill-Awtorità tal-Ħatra jew lill-persuna li tkun għamlet it-talba mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tkun waslet.
TAQSIMA 7
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 26
F’każ ta’ xi inkonsistenza bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni u tar-Regolament, dan tal-aħħar għandu jipprevali.
Artikolu 27
Din id-Deċiżjoni tkun disponibbli għall-persunal tas-SEAE permezz ta' modi xierqa, l-aktar permezz tal-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-Intranet tas-SEAE u tad-Delegazzjonijiet tal-UE (taħt “Protezzjoni tad-Dejta”).
Artikolu 28
Effett
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2011.
Ir-Rappreżentanta Għolja
C. ASHTON
V Avviżi
PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI
Il-Kummissjoni Ewropea
12.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 308/14 |
Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni
(Każ COMP/M.6675 – GE/Accenture/Taleris)
Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2012/C 308/08
1. |
Fl-4 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni rceviet avviż ta' proposta ta' konċentrazzjoni skont l-Arikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha General Electric Co. (“GE”, l-Istati Uniti) u Accenture plc (“Accenture”, l-Irlanda) jakkwistaw, fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt ta' impriża konġunta stabbilita ġdida, Taleris Management LLC (“Taleris”, l-Istati Uniti) permezz ta' trasferiment ta' xiri ta’ ishma tal-ekwità. |
2. |
L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:
|
3. |
Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż. |
4. |
Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta. Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6675 – GE/Accenture/Taleris, fl-indirizz li ġej:
|
(1) ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).
(2) ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).
12.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 308/16 |
Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni
(Każ COMP/M.6718 – Toyota Tsusho Corporation/CFAO)
Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
2012/C 308/09
1. |
Fl-5 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha Toyota Tsusho Corporation (“TTC”, il-Ġappun) takkwista skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll sħiħ tal-impriża CFAO (Franza), permezz ta’ offerta pubblika. |
2. |
L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:
|
3. |
Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż. |
4. |
Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta. Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6718 – Toyota Tsusho Corporation/CFAO, fl-indirizz li ġej:
|
(1) ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).
(2) ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).
ATTI OĦRAJN
Il-Kummissjoni Ewropea
12.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 308/17 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel
2012/C 308/10
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.
APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9
“POMODORO DI PACHINO”
Nru tal-KE: IT-PGI-0105-0153-23.11.2010
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Intestatura tal-ispeċifikazzjoni għall-emenda:
— |
|
Isem tal-prodott |
— |
☒ |
Deskrizzjoni tal-prodott |
— |
☒ |
Żona ġeografika |
— |
|
Prova tal-oriġini |
— |
☒ |
Metodu ta' produzzjoni |
— |
|
Rabta |
— |
☒ |
Tikkettar |
— |
|
Kundizzjonijiet nazzjonali |
— |
☒ |
Oħrajn: korp tal-kontroll, referenzi aġġornati għal-leġiżlazzjoni u l-imballaġġ |
2. Tip ta' emenda:
— |
☒ |
Emenda tad-dokument uniku jew tas-sommarju |
— |
|
Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew l-IĠP rreġistrata, li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku jew sinteżi |
— |
|
Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma għandhiex bżonn emendi tad-dokument uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006) |
— |
|
Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-adozzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006) |
3. Emendi:
Speċifikazzjoni
3.1. Deskrizzjoni tal-prodott:
Dan li ġej iddaħħal fl-Artikolu 6:
“Il-karatteristiċi ewlenin tal-‘Pomodoro di Pachino’ huma li ġejjin:
— |
polpa soda; |
— |
kavità tal-plaċenta żgħira; |
— |
kontenut għoli ta’ sukrożju, imkejjel abbażi ta’ kwantità ta’ solidi li jinħallu ta’ livell ogħla minn Brix 4,5.” |
Dawn il-karatteristiċi li minn dejjem kienu preżenti fl-iskeda sommarja ma kinux miktuba fl-ispeċifikazzjoni li għalhekk trid tiġi modifikata.
3.2. Żona ġeografika:
L-emenda proposta għandha l-għan li tikkoreġi żball fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 3. Fl-ispeċifikazzjoni, il-bokka tax-xmara Vecchio tinsab mal-5,5 Kilometri u mhux mal-4 kilometri, kif kien ġie ddikjarat b’mod żbaljat fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
3.3. Metodu ta' produzzjoni:
Fl-Artikolu 4, qed tiġi estiża l-firxa tad-densità tal-pjanti, il-limitu l-baxx jitniżżel minn 2 għal 1,5 minħabba t-tipi ta’ tekniki differenti tat-tkabbir fejn il-pjanti jridu jinżergħu iktar qrib xulxin jekk jinżammu għal fergħa waħda u inqas qrib xulxin jekk ikunu jikkonsistu f’żewġ friegħi. Fit-tieni każ, id-densità tista’ tkun ta’ 1,5 pjanta għal kull m2, f'konformità mal-aħħar tekniki, sabiex tinkiseb ġestjoni aħjar tal-pjanta, mingħajr ma jiġu effettwati bl-ebda mod il-karatteristiċi tal-prodott.
Fl-Artikolu 4 l-unità tal-kejl “ms” issa tidher bħala “μS/cm”, u b’hekk qed jiġi kkoreġut żball tat-traskrizzjoni li rriżulta li kien hemm unità tal-kejl li mhix adattata biex tiddeskrivi l-konduttività elettrika.
Fl-Artikolu 4 żdiedu l-valuri tar-rendiment, sabiex issa l-valuri tbiddlu minn:
“— |
tadama tonda lixxa: 100 tunnellata għal kull ettaru; |
— |
tadama miċ-ċatti: 75 tunnellata għal kull ettaru; |
— |
tadama ċkejkna (cherry): 50 tunnellata għal kull ettaru.” |
Għal
“— |
tadama tonda lixxa: 120 tunnellata għal kull ettaru; |
— |
tadama miċ-ċatti: 90 tunnellata għal kull ettaru; |
— |
tadama ċkejkna (cherry): 70 tunnellata għal kull ettaru.” |
Din l-emenda hija bbażata fuq raġunijiet tekniċi ċari: miż-żmien tal-approvazzjoni tal-ispeċifikazzjoni s’issa inbidel it-tip tas-serra u l-volum ta’ unità żdied minn 2-2,5 għal valuri ta’ bejn 2,5 u 3. Dawn is-serer ogħla jippermettu lill-pjanta biex tkompli tikber, għaliex il-varjetajiet użati huma tat-tip li jibqgħu jitwalu, u għalhekk joħorġu iżjed friegħi li jiffjorixxu u b’riżultat ta’ dan irendu iktar frott. Dan ma jnaqqasx l-importanza taż-żamma tal-karatteristiċi ta’ kwalità li fil-fatt fil-friegħi l-iktar twal huma tal-ogħla livell.
3.4. Tikkettar:
Dan li ġej iddaħħal fl-Artikolu 7: “Il-prodott jista’ wkoll jitqiegħed fis-suq f’imballaġġ miftuħ sakemm il-frott individwali ikun identifikat b’tikketti li jeħlu li juru l-logo Pomodoro di Pachino IĠP fuq kull waħda skont ir-rekwiżiti tat-tikkettar għall-imballaġġ, kif stipulat hawn taħt”.
L-eżenzjoni mill-imballaġġ magħluq hija essenzjali għat-tqegħid fis-suq kemm tat-tadam lixx kif ukoll dak miċ-ċatt li jiżnu bejn 60 u 120 gr kull waħda, u li jinbiegħu bil-piż jew individwalment u, għalhekk mhux bħala pakkett sħiħ.
3.5. Oħrajn:
L-Artikolu 5 issa jinkludi referenza aġġornata għar-Regolament (KE) Nru 510/2006 u ġew miżjuda d-dettalji tal-korp ta’ spezzjoni.
L-Artikolu 1 ġie emendat biex jirreferi għar-Regolament il-ġdid (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel).
L-Artikolu 7 ġie aġġornat biex jirreferi għar-Regolament (KE) Nru 1898/2006.
Fl-Artikolu 7, il-kliem “… Pomodoro di Pachino IĠP irid jitqiegħed fil-kaxxi. Il-piż massimu ta’ kull kaxxa ma jridx ikun ikbar minn 10 kg. Jistgħu jintużaw biss kaxxi ġodda.” issa inbidlu kif ġej: “… Pomodoro di Pachino IĠP irid ikun f’imballaġġ ġdid ta’ tipi varji, li jista’ jintuża darba biss, u li ma jaqbiżx l-10 kg, kif jippermettu r-regoli fis-seħħ”.
Bl-istess mod, fil-bqija tal-Artikolu, it-terminu “kaxxa” jinbidel bit-terminu “imballaġġ”.
Din il-bidla fit-terminoloġija hija minħabba l-fatt li t-terminu “kaxxa” ma kienx adattat fil-każ ta’ tipi differenti ta’ imballaġġ u pakketti użati fis-settur u l-għażla kienet għalhekk li jiġi adottat it-terminu “imballaġġ” li huwa konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea użata dwar l-imballaġġ.
Fl-Artikolu 7, il-kliem “ditta” u “marka” użati biex jindikaw l-immaġġni tal-prodott jinbidlu bil-kliem “logo distintiv”, li huwa terminu iktar adattat u huwa wkoll konformi mal-ispeċifikazzjonijiet ta' prodotti oħrajn.
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“POMODORO DI PACHINO”
Nru tal-KE: IT-PGI-0105-0153-23.11.2010
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Isem:
“Pomodoro di Pachino”
2. Stat Membru jew Pajjiż terz:
L-Italja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:
3.1. Tip ta' prodott:
Klassi 1.6 – |
Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati. |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:
L-indikazzjoni ġeografika protetta “Pomodoro di Pachino” IĠP tirreferi għal tadam frisk imkabbar fiż-żona definita, li jikkorrispondi għall-ispeċi botanika Lycopersicum esculentum Mill.
Pomodoro di Pachino IĠP jinkludi t-tipi li ġejjin:
— |
tond lixx; |
— |
miċ-ċatt; |
— |
ċkejken (jew cherry). |
Il-karatteristiċi ewlenin ta’ “Pomodoro di Pachino” huma li ġejjin:
— |
polpa soda; |
— |
kavità tal-plaċenta żgħira; |
— |
kontenut għoli ta’ sukrosju, imkejjel abbażi ta’ kwantità ta’ solidi li jinħallu ta’ livell ogħla minn Brix 4,5. |
Il-frott irid jappartjenti għall-kategoriji tal-prodotti tas-suq “extra” u “primi” u jrid ikun:
— |
sħiħ; |
— |
jidher frisk; |
— |
f’kundizzjoni tajba (mhux aċċettat frott li jkun beda jitranġat jew jiddeterjora u għalhekk m’għadux tajjeb għall-konsum); |
— |
nadif, mingħajr materjal barrani viżibbli, |
— |
mingħajr irwejjaħ u/jew togħmiet barranin. |
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):
—
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):
—
3.5. Fażijiet speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom isiru fiż-żona ġeografika identifikata:
Il-kultivazzjoni ta’ Pomodoro di Pachino trid isseħħ fiż-żona ġeografika definita, f'ambjent protett (serer u/jew mini mgħottija b'rita tal-polietilen jew kopertura oħra); meta l-kultivazzjoni ssir fis-sajf ix-xtieli jistgħu ikunu protetti bi strutturi adattati miksija bi xbieki ta’ lqugħ kontra l-insetti.
Mhix permessa l-kultivazzjoni barra mill-ħamrija.
3.6. Regoli speċifiċi għat-tqattiegħ, għat-tħakkik, għall-ippakkjar, eċċ.:
“Pomodoro di Pachino” IĠP jista’ jitqiegħed f’pakketti fl-impriża agrikola jew f’post tal-imballaġġ adattat, l-istess jum li jinġabar.
Il-ġbir u l-imballaġġ iridu jseħħu f’faċilitajiet li jinsabu ġewwa l-muniċipalitajiet, anke parzjalment, fiż-żona tal-produzzjoni. L-imballaġġ irid iseħħ fiż-żona sabiex jiġi evitat it-telf fl-istadju tat-tqegħid fis-suq minħabba l-ħsara fil-qoxra tat-tadama li tista’ twassal għall-moffa li minħabba fiha l-prodott ma jinbiegħx.
Pomodoro di Pachino IĠP li jkun se jitqiegħed fis-suq irid ikun f’imballaġġ ġdid ta’ tipi varji, li jista’ jintuża darba biss, u li ma jistax jaqbeż l-10 kg, kif jippermettu r-regoli fis-seħħ.
Il-kopertura tal-imballaġġ trid tkun tat-tip li t-tadam ma jistax jinħareġ minnha mingħajr ma tiċċarrat. Il-prodott jista’ wkoll jitqiegħed fis-suq f’imballaġġ miftuħ sakemm il-frott individwali ikun identifikat b’tikketti li jeħlu li juru l-logo Pomodoro di Pachino IĠP.
3.7. Regoli speċifiċi għat-tikkettar:
Dawn li ġejjin iridu jidhru fuq l-imballaġġ:
— |
il-logo distintiv muri hawn taħt
|
— |
l-isem tal-imballaġġatur u/jew tat-trasportatur; |
— |
il-karatteristiċi kummerċjali: it-tip, il-kategorija, il-piż tal-imballaġġ; |
— |
il-kliem: pomodoro prodotto in coltura protetta; |
— |
is-simbolu tal-Unjoni. |
4. Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:
It-tadam “Pomodoro di Pachino” jikber fiż-żona li tinkludi l-muniċipalitajiet intiera ta' Pachino u Portopalo di Capo Passero u parti mill-muniċipalitajiet ta’ Noto (Provinċja ta’ Serakuża) u Ispica (Provinċja ta’ Ragusa), li jinsabu fix-Xlokk ta’ Sqallija.
5. Rabta maż-żona ġeografika:
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika:
Ir-reġjun fejn jikber it-tadam “Pomodoro di Pachino” għandu l-ogħla temperatura fl-Ewropa kontinentali matul is-sena, fuq medja, u jieħu l-ikbar ammont ta’ radjazzjoni solari (id-dejta ġiet ipprovudta mis-satelliti Landsat u Meteosat). Il-fatt li l-baħar huwa viċin ifisser li l-klima taż-żona hija medja u l-ġlata tar-rebbiegħa u l-ħarifa hija rari.
Dawn il-fatturi flimkien mal-kwalità tal-ilma użat għall-irrigazzjoni, fejn il-livell ta’ salinità ivarja bejn 1 500 sa 10 000 μS/cm, iddeterminaw l-iżvilupp tal-uċuħ tar-raba’ tas-serer, u kienu fattur deċisiv għal-liema uċuħ tar-raba’ setgħu jutilizzaw il-produtturi fiż-żona u fl-istess ħin, għall-kwalitajiet organolettiċi distintivi ta' “Pomodoro di Pachino”.
5.2. Speċifiċità tal-prodott:
Il-karatteristika li stabbilixxit ir-reputazzjoni ta’ “Pomodoro di Pachino” kienet il-maturazzjoni bikrija tiegħu, li ġiet osservata mill-bdiewa lokali meta nżera' għall-ewwel darba. Karatteristiċi addizjonali li ġew rikonoxxuti matul iż-żmien mill-konsumatur, bħat-togħma, il-konsistenza tal-polpa, kemm ileqq il-frott u kemm jibqgħu tajbin fit-tul wara l-ħsad, kienu tali sabiex stabbilixxew “Pomodoro di Pachino” fis-suq.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):
It-tkabbir tat-tadam huwa tipiku fl-ortikultura ta’ Pachino. It-tadam ġie kkultivat għall-ewwel darba fl-1925 f’impriżi agrikoli li jinsabu max-xatt u li għandhom provvista tal-ilma għall-irrigazzjoni mill-bjar ta' taħt l-art.
L-esperjenza bikrija turi li t-tadam li tkabbar f’din iż-żona kien lest għall-ħsad xi 15-20 jum iktar kmieni minn żoni oħrajn tal-produzzjoni.
Madankollu, l-interess fit-tkabbir ta’ din il-pjanta kien limitat minħabba l-kultivazzjoni mifruxa ħafna tad-dwieli. Madwar is-snin ħamsin, il-kultivazzjoni tat-tadam ġiet estiża għal żona ħafna ikbar iżda li tinsab dejjem max-xatt, fejn intużaw tekniki għat-trobbija u l-protezzjoni tal-uċuħ tar-raba’ fl-istadji tal-bidu. L-ambjent taż-żona kostali, minkejja l-kundizzjonijiet termometriċi favorevoli, huwa suxxettibbli għal bidliet kbar f’daqqa fit-termperatura bejn il-lejl u n-nhar, liema bidliet okkażjonalment kienu responsabbli għall-qerda ta' kultivazzjonijiet ortikoli sħaħ.
L-iżjed mezz mifrux ta’ protezzjoni kienu l-koperturi individwali għall-pjanti individwali magħmula mill-weraq ċatt tal-bajtar tax-xewk jew madum jew koperturi multipli li jikkonsistu minn tessuti meħjutin bix-xlief u l-wajer tal-ħadid u appoġġati bil-qasab.
Fil-bidu tas-sittinijiet dehru l-ewwel serer li kienu jikkonsistu minn strutturi tal-qasab koperti b'rita tal-polietilen. Fis-snin sussegwenti l-istrutturi tas-serer bdew isiru dejjem iżjed sodi fejn il-qasab ġie sostitwit minn stikek tal-injam tal-qastan u qafas tal-injam tal-abjad. It-tkabbir protett tal-uċuħ tar-raba’ huwa għalhekk ir-riżultat ta’ proċess ta’ żvilupp li beda f’mod sempliċi u kważi naturali biex għamel realtà l-kultivazzjoni u l-ħsad tat-tadam.
Il-problemi serji li ffaċċat il-vitikultura fis-sebgħinijiet wasslu biex f’ħafna żoni saret bidla rapida għall-kultivazzjoni fis-serer u l-istabbilment tal-ewwel assoċjazzjonijiet li bdew t-tqegħid fis-suq ta’ prodott bl-isem taż-żona tal-oriġini “Pachino”.
It-tekniki tat-tkabbir tjiebu permezz tal-użu ta' sistemi tal-irrigazzjoni lokalizzata moderni u s-serer tal-metall galvanizzat bdew jintgħoġbu.
Għalhekk, matul iż-żmien Pomodoro di Pachino sar rinomat fis-swieq nazzjonali u barranin minħabba l-karatteristiċi kwalitattivi tiegħu li jispikkaw.
Il-kundizzjonijiet partikolari tal-ħamrija u l-klima fiż-żona tal-produzzjoni jagħtu dawn il-karatteristiċi kwalitattivi lill-prodott li meta jiġu kkumbinati mat-tekniki tal-prodozzjoni adottati mill-produtturi jrendu l-pjanta bħala tipika taż-żona ġeografika.
Il-kwalitajiet ta’ Pomodoro di Pachino huma marbuta mal-karatteristiċi intrinsiċi, li jiddistingwuh: it-togħma tiegħu, il-konsistenza tal-polpa, kemm ileqq il-frott u kemm idum tajjeb wara l-ħsad; dawn kollha jiġu mfittxa mill-konsumatur meta jixtri l-Pomodoro di Pachino fis-suq, li minħabba fihom għandu reputazzjoni kemm fl-Italja kif ukoll barra mill-Italja.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
Il-Ministeru ta’ bidu għal-proċedura pprovduta fl-Artikolu 5(5) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 bil-pubblikazzjoni tal-proposta għal emenda ta' “Pomodoro di Pachino” bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 234 tas-6 ta’ Ottubru 2010.
It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit tal-internet li ġej:
http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335
Jew
billi wieħed imur direttament fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (http://www.politicheagricole.it), jikklikkja fuq “Qualità e sicurezza” (il-parti ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.