ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.239.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 239

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
9 ta' Awwissu 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 239/01

Rata tal-kambju tal-euro

1

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 239/02

Notifika ta' bidu ta’ reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kumpensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti staneg u vireg tal-azzar li ma jsaddadx li joriġinaw fl-Indja

2

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 239/03

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

5

2012/C 239/04

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

9

2012/C 239/05

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

13

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

9.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-8 ta’ Awwissu 2012

2012/C 239/01

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2336

JPY

Yen Ġappuniż

96,68

DKK

Krona Daniża

7,4438

GBP

Lira Sterlina

0,78880

SEK

Krona Żvediża

8,2770

CHF

Frank Żvizzeru

1,2012

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,3040

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,173

HUF

Forint Ungeriż

277,93

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,6963

PLN

Zloty Pollakk

4,0905

RON

Leu Rumen

4,5499

TRY

Lira Turka

2,2094

AUD

Dollaru Awstraljan

1,1704

CAD

Dollaru Kanadiż

1,2309

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,5679

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,5177

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,5375

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 396,30

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

10,1532

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,8473

HRK

Kuna Kroata

7,4970

IDR

Rupiah Indoneżjan

11 685,79

MYR

Ringgit Malażjan

3,8272

PHP

Peso Filippin

51,507

RUB

Rouble Russu

39,2460

THB

Baht Tajlandiż

38,883

BRL

Real Brażiljan

2,5103

MXN

Peso Messikan

16,3722

INR

Rupi Indjan

68,3600


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

9.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/2


Notifika ta' bidu ta’ reviżjoni interim parzjali tal-miżuri kumpensatorji applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti staneg u vireg tal-azzar li ma jsaddadx li joriġinaw fl-Indja

2012/C 239/02

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   It-talba għal reviżjoni

It-talba għal reviżjoni tressqet minn Viraj Profiles Vpl. Ltd (“l-applikant”), produttur esportatur mill-Indja (“il-pajjiż ikkonċernat”).

Ir-reviżjoni hija limitata fil-kamp ta’ applikazzjoni għall-eżami tas-sussidjar sa fejn għandu x'jaqsam l-applikant.

2.   Il-prodott li qed jiġi rivedut

Il-prodott li qed issirlu din ir-reviżjoni huwa vireg u staneg ta' azzar li ma jsaddadx, mhux maħduma aktar wara li jiġu ffurmati fil-kesħa jew irfinuti fil-kesħa, minbarra staneg u vireg ta’ sezzjoni trasversali ċirkolari b’dijametru ta’ 80 mm jew aktar, li joriġinaw mill-Indja u li bħalissa għandhom il-kodiċijiet NM 7222 20 21, 7222 20 29, 7222 20 31, 7222 20 39, 7222 20 81 u 7222 20 89 (“il-prodott li qed jiġi rivedut”).

3.   Il-miżura eżistenti

Il-miżura li attwalment qiegħda fis-seħħ hija dazju kumpensatorju definittiv, impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 405/2011 (2).

4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni

It-talba skont l-Artikolu 19 hija bbażata fuq evidenza prima facie, ippreżentata mill-applikant li, sa fejn għandu x'jaqsam l-applikant u, sa fejn għandu x'jaqsam is-sussidjar, turi li ċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet imposta l-miżura eżistenti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta' natura dewwiema.

L-applikant jallega li ċ-ċirkostanzi nbidlu mill-aħħar perjodu ta’ investigazzjoni u li huma ta’ natura li ddum, billi huma relatati ma’ tibdil mill-Gvern tal-Indja fit-tariffi doganali applikabbli b’mod ad valorem għar-ruttam tal-azzar li ma jsaddadx u l-ferronikil, żewġ materjali prinċipali għall-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi rivedut.

L-applikant ipprovda evidenza prima facie li ma għadx hemm bżonn li l-miżura tkompli tiġi imposta fil-livell attwali tagħha biex tikkumpensa għas-sussidjar kumpensatorju. L-applikant ipprovda biżżejjed evidenza li turi li l-ammont tas-sussidju tiegħu naqas sew taħt ir-rata ta' dazju li bħalissa hija applikabbli għalih. Dan it-tnaqqis fil-livell ġenerali ta' sussidji ġej prinċipalment minħabba tnaqqis sinifikanti fil-benefiċċji gwadanjati skont l-Iskema tal-Unitajiet Orjentati lejn l-Esportazzjoni (Export Oriented Units Scheme — EOUS).

Għalhekk, jidher li t-tkomplija tal-impożizzjoni tal-miżura fil-livell eżistenti, li kienet ibbażata fuq il-livell ta' ssusidjar stabbilit qabel, ma għadhiex meħtieġa biex tikkumpensa għas-sussidjar kif stabbilit qabel.

5.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza sabiex ikun iġġustifikat il-bidu ta' reviżjoni parzjali interim, il-Kummissjoni b'dan qed tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni ser tivvaluta l-bżonn li l-miżuri eżistenti jinżammu, jitneħħew jew jiġu emendati fir-rigward tal-applikant u fid-dawl tal-livell mibdul ta’ sussidjar tal-applikant, minħabba t-tibdil li sar mill-Gvern tal-Indja fit-tariffi doganali applikabbli ad valorem fuq ir-ruttam tal-azzar li ma jsaddadx u l-ferronikil, kif ukoll it-tnaqqis fil-benefiċċji gwadanjati skont l-EOUS.

5.1.   L-investigazzjoni tal-produttur esportatur

Biex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant, bħala produttur esportatur u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.2.   Sottomissjonijiet bil-miktub oħrajn

Il-partijiet interessati kollha, soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' din in-notifika, b'dan qed jiġu mistiedna jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom, jibagħtu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.3.   Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal seduta ta’ smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha titressaq talba għal seduta ta’ smigħ fl-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.4.   Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f'din in-notifika, il-kwestjonarji mimlijin u l-korrispondenza pprovduti mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali, għandhom ikunu mmarkati “Ristrett” (3).

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali ta' dan skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista' titwarrab.

Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha min-naħa tal-partijiet interessati għandhom isiru f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku u n-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kull Prokura u ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju għandhom jiġu sottomessi fuq il-karta, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tressaq is-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih, f'konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22981767

Posta elettronika: trade-ssb-subsidy@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta li tagħti l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fl-iskadenza stipulata, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jsiru sejbiet, pożittivi jew negattivi, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, l-informazzjoni tista' titwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq il-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal seduta ta’ smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta’ smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet jitħaddmu b'mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha tiġi sottomessa talba għal seduta ta’ smigħ fl-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll l-opportunitajiet biex issir seduta ta' smigħ li tinvolvi l-partijiet u li tippermetti li jiġu ppreżentati opinjonijiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost oħrajn, is-sussidjar.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni

L-investigazzjoni ta’ reviżjoni se tkun konkluża, skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (4).


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  ĠU L 108, 28.4.2011, p. 3.

(3)  Dokument “Ristrett” huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Dan huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

9.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/5


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 239/03

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“ORKNEY SCOTTISH ISLAND CHEDDAR”

Nru KE: UK-PGI-0005-0908-03.11.2011

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Orkney Scottish Island Cheddar”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

Ir-Renju Unit

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.3:

Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1):

L-“Orkney Scottish Island Cheddar” huwa magħmul mill-ħalib li ġej minn sorsi lokali miż-żona ġeografika identifikata. Il-ġobon għandu ħjiel aċiduż moderat u pikkanti filwaqt li jħalli togħma qawwija ta' ġewż. L-aroma hija pulita u tipikament taċ-cheddar bi struttura soda iżda malleabbli li tidher lixxa u kompatta. B'perjodu ta' maturazzjoni ta' bejn 6 u 18-il xahar, il-ġobon “Orkney Scottish Island Cheddar” għandu varjetà ta' profili aromatiċi li jiddependu mill-grad ta' maturazzjoni (medju, matur u matur ħafna).

Il-ġobon jiġi mibjugħ skont tliet gradi ta' maturazzjoni:

medju (bejn 6 xhur u 12-il xahar) li għandu struttura ratba b'togħma kemxejn qawwija;

matur (bejn 12 u 15-il xahar) li għandu struttura ratba u soda b'togħma kemxejn qawwija u pikkanti;

matur ħafna (bejn 15 u 18-il xahar) li għandu struttura soda iżda kemxejn fraġli bi ħjiel pikkanti u qawwi u bi kristalli tal-lattat.

Il-ġobon huwa prodott f'forma ta' blokka ta' 20 kg li wara l-maturazzjoni meħtieġa tiġi maqtugħa f'forom u daqsijiet differenti. Il-ġobon jista' jkun kemm abjad kif ukoll ikkulurit, b'kulur jgħajjat u omoġenju mal-ġobon kollu. Il-ġobon ikkulurit huwa differenti mill-abjad minħabba li wara l-pastorizzazzjoni jiġi miżjud miegħu pigment vegetali.

L-istandards kimiċi tal-ġobon huma:

umdità bejn 33 u 36 %

xaħam bejn 33 u 36 %

xaħam fil-materja niexfa bejn 50 u 52 %

melħ bejn 1,6 u 2,1 %

PH bejn 5,1 u 5,4 fil-mument tal-produzzjoni

Il-limiti mikrobijologiċi għall-ġobon huma:

Listeria monocytogenes nieqsa f'25 g

Enterotossini stafilokoċċiċi nieqsa f'25 g

Salmonella nieqsa f'25 g.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Ħalib frisk u pasturizzat prodott fl-azjendi agrikoli fiż-żona ġeografika. Il-ħalib għandu l-karatteristiċi tipiċi tal-ħalib frisk, nadif u nieqes minn kwalunkwe adulterazzjoni u jżomm l-istruttura magħquda kollha tal-ħalib hekk kif ikun għadu jinħaleb.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Il-bovini tal-ħalib jiġu mitmugħa ħaxix frisk u għalf għall-ħżin. Dawn jirgħu fil-mergħat għal 6 xhur u jinżammu maqfula għall-bqija tas-sena. Id-dieta tal-bovini hija miżjuda b'xgħir imkabbar lokalment, b'nevew u bi qmuħ tal-birra forniti minn distillerija lokali. Il-porzjonijiet jiġu ssupplimentati wkoll b'soja li mhijiex ġenetikament modifikata (għall-provvista ta' proteini), b'pitrava zokkrija (għall-provvista ta' enerġija) u provvista minerali li ġejja minn barra ż-żona lokali.

3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

L-istadji kollha tal-preparazzjoni u l-produzzjoni tal-“Orkney Scottish Island Cheddar” għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika u jinkludu:

Il-kisba tal-ħalib

Il-pastorizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni tal-ħalib

Il-preparazzjoni u t-taħwid tal-ingredjenti

Iż-żieda tal-melħ mal-baqta

Il-maturazzjoni u l-gradazzjoni tal-ġobon

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

Mhux applikabbli.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Mhux applikabbli.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

Il-Gżejjer Orkney, fit-Tramuntana tal-Iskozja.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Il-ġobon Orkney isir b'ħalib prodott lokalment fil-Gżejjer Orkney, u jimxi fuq riċetta u proċess tradizzjonali. Il-produzzjoni tal-“Orkney Scottish Island Cheddar” tgħaqqad flimkien is-sengħa tal-produttur tal-ġobon u l-użu tal-ħalib lokali tal-Gżejjer Orkney.

Iż-żona ġeografika delimitata ġeneralment tinsab fuq art agrikola ċatta u mmewwġa, b'ħamrija tal-wiċċ fertili u fonda li hija r-riżultat ta' 5 000 sena ta' kultivazzjoni tal-istess art. Iż-żona hija magħrufa għall-istatus tagħha bħala sit ta' patrimonju dinji għall-monumenti Neolitiċi u għaż-żoni kbar li ġew ikklassifikati bħala żoni sensittivi ambejntalment (ESA) jew siti ta' interess xjentifiku partikolari (SSSI). Il-viċinanza tal-Kurrent tal-Golf wasslet għal klima moderata u ħamrija mogħnija b'jodju u kubrit li flimkien mad-dawl tax-xemx kostanti ta' matul nofs is-sajf u minħabba l-latitudni tat-Tramuntana, jipproduċu mergħat abbundanti b'ħaxix kotran u frisk għall-bovini tal-ħalib, l-aktar tar-razza Holstein/Friesian u Ayrshire. It-taħlita ta' kundizzjonijiet tipprovdi sors uniku għall-ħalib ta' kwalità għolja li jiġi użat għall-produzzjoni tal-ġobon li hija delimitata fiżikament biż-żona ġeografika.

Il-produttur tal-ġobon jikkontrolla l-proċess billi jsegwi l-iżvilupp aċidiku u meta jkun fil-livelli t-tajba jaqleb it-taħlita mit-tank għal fuq il-mejda, ineħħi x-xorrox u jaħdem il-baqta niexfa fuq il-mejda. It-tmelliħ tal-baqta jeħtieġ sengħa kbira peress li l-baqta għandha bżonn tkun fl-istruttura u l-aċidità t-tajba.

Il-melħ jizdied bl-idejn permezz ta' teknika li tixbah lil dik li kienu jużaw fl-antik il-kultivaturi meta jsir iż-żriegħ imferrex fl-għelieqi tal-Orkney. Huwa essenzjali li ssir bir-reqqa peress li jrid jiġi miżjud l-ammont ġust ta' melħ u jinfirex b'mod ugwali mal-baqta. Barra minn hekk, il-ħila tal-produttur tal-ġobon li jsegwi l-produzzjoni tal-ġobon hija essenzjali biex jiġi żgurat li jibqa' bl-istruttura u l-aċidità ġusta matul il-proċess kollu. Huwa permezz ta' ħafna snin ta' esperjenza li l-produttur tal-ġobon jipproduċi ġobon li għandu l-istruttura u t-togħma t-tajba. Dan jeħtieġ ħila u esperjenza biex tiġi żgurata produzzjoni konsistenti ta' ġobon ta' kwalità għolja.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

L-“Orkney Scottish Island Cheddar” huwa differenti minn cheddars tradizzjonali oħra minħabba t-teknika unika ta' taħwid li jsir fin-niexef. Dan il-metodu ta' produzzjoni kien żviluppat fl-1984 u għadu jintuża sal-lum peress li huwa r-riżultat ta' sinerġija ta' ideat tal-maniġment li kienu qed jippruvaw jipproduċu cheddar b'mod effikaċi u fl-inqas ħin possibbli iżda li kien differenti mill-ġobnijiet cheddar tradizzjonali l-oħra. Dan il-metodu ħoloq ġobon ta' korporatura soda u densa u billi jiġi użat ħalib standardizzat, jagħti lill-ġobon korporatura u struttura konsistenti matul is-sena kollha b'togħma matura u kompluta.

It-taħwid fin-niexef huwa adattament tar-riċetta tradizzjonali tac-cheddar. Dan iseħħ wara li t-taħlita tkun tneħħiet mit-tank għal fuq il-mejda u l-baqta ma titħalliex tingħaqad flimkien wara li jitneħħa x-xorrox. Dan jibqa' jitħawwad b'mod kontinwu sakemm jasal il-punt li jrid jiżdied il-melħ, wara jitħalla joqgħod sakemm jimmatura. Il-melħ għandu jiżdied madwar 3 siegħat u 20 minuta wara li jiżdied it-tames, bi 28 % aċidu lattiku. Dan jagħti lill-ġobon struttura soda u mingħajr toqob, u meta l-melħ jiżdied bl-idejn bis-sengħa u peress li tintuża baqta iżgħar, dan jiġi mifrux b'mod aktar omoġenju mill-metodu tradizzjonali tal-produzzjoni taċ-cheddar. Imbagħad, il-baqta titħalla tibbies fil-forom tal-blokok. Wara din il-fażi, il-baqta titqiegħed f'boroż u titħalla timmatura fuq paletti tal-injam.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

L-industrija tal-produzzjoni tal-ġobon f'Orkney tmur lura mijiet ta' snin meta, in-nisa tal-kultivaturi biex iżidu xi ftit mal-introjtu miżeru li kellhom, kienu jbigħu l-ġobnijiet żejda magħmulin minnhom stess. Kien ikun hemm ukoll xi ġobnijiet li kienu jinħażnu f'senduq tad-dqiq tal-ħafur biex jissupplimentaw id-dieta tagħhom fix-xhur twal tax-xitwa.

L-ewwel fabbrika tal-ħalib twaqqfet f'Kirkwall fl-1946 minħabba li l-provvista tal-ħalib żdiedet matul it-Tieni Gwerra Dinjija sabiex jiġu mitmugħa s-60 000 persunal tas-servizz ibbażati fuq il-gżejjer. Kien jiġi prodott ġobon iebes f'ċilindri, fi blokok u f'forom tondi tradizzjonali sakemm, minħabba ż-żieda fil-produzzjoni tal-ħalib kella ssir bidla għal metodu aktar modern ta' produzzjoni u ġiet maħluqa riċetta taċ-cheddar permezz tal-fabbrika l-ġdida tal-ħalib li twaqqfet fl-1958. Din ir-riċetta taċ-cheddar wara ġiet modifikata bit-“teknika ta' taħwid li jsir fin-niexef” li bdiet tintuża fl-1984 wara perjodu ta' sperimentazzjoni.

L-“Orkney Scottish Island Cheddar” kiseb diversi suċċessi billi rebaħ għadd ta' premjijiet fil-kompetizzjonijiet l-aktar importanti bħan-Nantwich International Show (Gold Mild White 2009), ir-Royal Highland Show (Gold and Best Scottish Exhibit 2009), The Bath and West Show (1st Mild White 2007), il-British Cheese Awards (Gold Mild White 2006) u l-Great Yorkshire Cheese And Dairy Show (1st mild White 2010).

Il-ġobon kien ukoll fil-menu tal-lukanda prestiġġjuża Langham f'Londra u l-kok famuż Nick Nairn fl-2009 qal, “Il-kwalità taċ-Cheddar Orkney hija l-frott tal-klima tal-gżejjer u tal-metodu ta' taħwid li jsir fin-niexef. Huwa partikolarment tajjeb għat-tisjir, mhux bħal xi cheddar ieħor, għax il-metodu ta' produzzjoni tiegħu jwassal biex joħroġ inqas xaħam minnu meta dan jinħall. Meta jintuża ċ-cheddar Orkney fit-tisjir, jgħin biex jinkiseb platt iktar kremuż u b'togħma tajba.”

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://archive.defra.gov.uk/foodfarm/food/industry/regional/foodname/products/documents/orkney-scottish-island-cheddar-pgi-120320.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


9.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/9


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 239/04

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għat-talba skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“SALMERINO DEL TRENTINO”

KE Nru: IT-PGI-0005-0964-17.02.2012

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Salmerino del Trentino”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

L-Italja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.7.

Ħut, molluski, krustaċej friski u prodotti magħmulin minnhom

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1:

L-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Salmerino del Trentino” hija attribwita lil ħut salmonidi mrobbi fiż-żona ta’ produzzjoni msemmija fil-punt 4 u li jippartjeni għall-ispeċi salmerino alpino Salvelin aplinus L. Meta jitqiegħed għall-konsum, is-salmerini għandhom jippreżentaw il-karatteristiċi li ġejjin: lewn griż-aħdar jew kannella, bid-dahar u l-ġnub koperti bi dbabar bojod, sofor jew ħomor, mingħajr l-ebda marka; bi ġwienaħ oranġjo, bojod fit-tarf fuq quddiem u ġwienaħ dorsali u tad-denb griżi. L-Indiċi tal-Korpożità (Condition Factor) għandu jkun ta’ inqas minn 1,10 għal ħut ta’ 400 grammi u ta’ inqas minn 1,20 għal ħut bejn 400 gramma. Il-laħam għandu jkun fih total ta’ xaħam mhux iżjed minn 6 %. Dan il-laħam huwa abjad jew kulur is-salamun fir-roża, u huwa sod, tari, minghajr xaħam u xott b’togħma bnina ta’ ħut u riħa delikata tal-ilma frisk, mingħajr ma jħalli l-ebda togħma wara ta’ tajn. Kwalunkwe togħma ta’ ħut mhux frisk tal-prodott għandha tkun limitata, b’kontenut ta’ ġeosmina inqas minn 0,9 μg/Kg.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Il-porzjonijiet tal-għalf għandhom ikunu skont ir-rekwiżiti stabbiliti bit-tradizzjoni, li jirrispettaw l-użu leali u konsistenti. Għal din ir-raġuni, l-għalf tal-ħut użat ma għandux ikun fih OĠM u għandu jkollu ċertifikazzjoni xierqa skont ir-regoli fis-seħħ.

Sabiex tittejjeb il-kwalità tipika tal-laħam tal-ħut tal-IĠP “Salmerino del Trentino”, il-materja prima li ġejja hija aċċettabbli:

(1)

ċereali, qamħ u l-prodotti tagħhom, flimkien mal-prodotti sekondarji, inklużi konċentrati tal-proteina

(2)

żrieragħ taż-żejt u l-prodotti tagħhom u l-prodotti sekondarji tagħhom, inkużi konċentrati u żjut

(3)

żrieragħ tal-legumi u l-prodotti tagħhom, flimkien mal-prodotti sekondarji, inklużi konċentrati tal-proteina

(4)

dqiq tat-tuberi u l-prodotti tagħhom, flimkien mal-prodotti sekondarji, inklużi konċentrati tal-proteina

(5)

prodotti u prodotti sekondarji ġejjin mill-ħut u/jew krustiċej, inklużi ż-żjut

(6)

ikel tal-alka u l-prodotti sekondarji tagħha

(7)

prodott tad-demm ta’ annimali mhux ruminanti

Il-karatteristika tal-kompożizzjoni tal-porzjonijiet għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-annimali matul il-fażijiet differenti tat-trobbija. Huma aċċettabbli l-addittivi kollha għall-użu fin-nutriment tal-annimali definiti bil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Il-lewn tas-salamun tal-laħam tal-ħut irid jinkiseb permezz tal-użu predominanti tal-pigment astaksantina li huwa karotenojde u/jew ta' karotenojdi ta’ oriġini naturali.

3.5.   Il-passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jittieħdu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-fażijiet tat-trobbija, li jinkludu l-istadji ta’ ftit wara li jfaqqas (fry), fingerling u salmerino adult, u l-proċess tal-qatla jridu jitwettqu fiż-żona speċifikata fil-punt 4.

3.6.   Regoli speċifiċi li japplikaw għat-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:

Il-prodott aħħari jrid jinbiegħ f’kontenituri tal-polisterin mgħottija b'film tal-plastik u/jew f'kaxxi tal-polisterin mgħottija b'film u/jew f'pakketti, b'imballaġġ bil-vakwu u/jew f'atmosfera modifikata. Fir-rigward ta' tipoloġija tal-prodott, is-salmerini jinbiegħu bħala prodott frisk: shiħ, imnaddaf, f’qatgħat, jew imqatta’.

Meta jinbiegħ sħiħ u/jew imnaddaf għandu jiżen mill-inqas 170 g.

Meta jinbiegħ f’qatgħat u/jew imqatta’ għandu jiżen mill-inqas 80 g.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

L-espressjoni “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jew fil-qosor “I.Ġ.P.” trid tidher fuq kull pakkett/kaxxa b'ittri distinti u li ma jistgħux jitħassru, u li jidhru separati b’mod ċar minn kwalunkwe test ieħor.

Din l-espressjoni trid tiġi tradotta fil-lingwa tal-pajjiż li fih se jkun ikkummerċjalizzat il-prodott.

Ma tista' tiżdied l-ebda kwalifikazzjoni li ma tkunx espressament prevista.

Kull pakket/kaxxa unika għandu jkollha b’mod viżibbli, tikketta bil-logo li ġej. Inkella, il-logo jista’ jidher fi sfumaturi differenti ta’ griż.

Image

Is-simbolu Ewropew IĠP għandu jidher ukoll fuq kull tikketta u kull kaxxa. It-tikketta jew marka xierqa trid tindika n-numru jew il-kodiċi ta’ referenza tal-produttur u/jew lott ta’ produzzjoni.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni tal-IĠP “Salmerino del Trentino” tinkludi t-territorju kollu tal-Provinċja Awtonoma ta’ Trento u l-muniċipalità ta’ Bagolino fil-Provinċja ta’ Brescia. Din iż-żona tinkludi x-xmajjar ewlenin ta’ Trentino, u l-widien laterali tat-tributarji tagħhom.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

It-territorju kien iffurmat mit-trikkib fuq xulxin ta’ perjodi ta’ erożjoni glasjali u fluvjali. F'dak li jirrigwarda l-morfoloġija, iż-żona hija ġeneralment muntanjuża u kkaratterizzata minn widien, li huma mħaffra fil-fond fis-sottostrat ġeoloġiku, li jikkostitwixxu l-inħawi kollha inklużi fiż-żona ġeografika identifikata. Il-klima taż-żona tal-produzzjoni ta’ Salmerino del Trentino I.Ġ.P. hija kkaratterizzata minn żoni alpini, b’xita frekwenti, ta' sikwit borra matul ix-xhur tax-xitwa u temperatura friska anke fil-perjodu tas-sajf. Iż-żona għandha borra u silġ matul is-sena kollha, li minnhom jiġi l-ilma użat għall-produzzjoni tas-salmerino.

Il-kompożizzjoni kimika tal-ilma naturali ta’ Trento f’termini ta’ traċċi ta’ elementi (manjeżju, sodju, potassju) għandha valuri iktar baxxi mill-medja Ewropea, u b’hekk l-ilma huwa adattat ħafna għall-iżvilupp tas-salmerini.

Ix-xmajjar li jnixxu madwar l-impjanti tal-farms tat-trota fi Trento għandhom kwalità bijoloġika tajba b’valuri ta’ Indiċi Bijotiku Estiż (Extended Biotic Index – EBI) ogħla minn 8, li jikkorrispondu ma’ Klassi I jew Klassi II.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-karatteristiċi prinċipali tas-“Salmerino del Trentino” huwa l-indiċi ta’ korposità verament baxx, il-kontenut tax-xaħam u t-togħma tal-laħam tiegħu. Dan il-laħam tas-“Salmerino Del Trentino” IĠP huwa sod, tari, minghajr xaħam u xott b’togħma bnina ta’ ħut u riħa delikata u tfuħ tal-ilma frisk, mingħajr ma jħalli l-ebda togħma wara ta’ tajn.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għal IĠP):

Il-kwalità tas-“Salmerino del Trentino” titnissel direttament mill-karatteristiċi ġeomorfoloġiċi u klimatiċi taż-żona ġeografika, l-iktar minħabba l-ilma użat li jnixxi b’mod abbundanti mill-borra u s-silġ li jinsab matul is-sena kollha fiż-żona, bi grad għoli ta’ ossiġenazjoni, kwalità kimika, fiżika u bijoloġika tajba, u temperatura medja baxxa li minn Novembru sa Marzu ġeneralment tkun inqas minn 10 °C.

Ix-xmajjar u n-nixxiegħat għandhom ilma kiesaħ u nutrijenti baxxi li jwasslu għal tkabbir bil-mod, li b’hekk inaqqas l-aspett kwantitattiv tal-produzzjoni, iżid il-kwalità tal-laħam tal-ħut billi jagħtih densità ikbar, togħma aħjar u kontenut inqas ta’ xaħam. Barra minn hekk, il-karatteristiċi tal-ilma tax-xmajjar ta’ Trento jfixkel l-iżvilupp ta’ mikroalki mhux mixtieqa, u ta' metaboliti tagħhom, bħall-ġeosmina, li meta tittieħed mill-garġi, tagħti lil-laħam togħma ta' tajn. Il-parti l-kbira tal-farms tat-trota, minħabba l-provvista abbundanti tal-ilma u t-territorju muntanjuż, jagħmlu użu mil-livelli differenti bejn baċir u ieħor li jippermettu l-ilma li jiġi ossiġinat mill-ġdid b'mod naturali. Għalhekk jinżammu l-kundizzjonijiet ottimi għat-trobbija u l-iżvilupp tas-salmerini.

Dawn il-karatteristiċi flimkien ma' dawk klimatiċi għalhekk ippermettew Salmerino b’karatteristiċi differenti minn dawk tal-farms tat-trota fuq il-meded ta’ art watja u ż-żoni oħra viċini.

It-trobbija ta’ Salmerino del Trentino ilha stabbilita ħafna u l-oriġini tagħha ġejja minn tradizzjoni antika li ġiet stabbilita matul is-snin. Il-prattika tat-trobbija tal-ħut fil-baċiri ilha teżisti mis-seklu XIX bil-bini fl-1879 ta' impjant artifiċjali għat-trobbija tal-ħut f'Terbole, li kien intenzjonat li jferrex il-prattika tat-trobbija tal-ħut u jerġa' jkabbar il-popolazzjoni tal-ilmijiet pubbliċi bit-trota li għadha qed tfaqqas. Fl-1891 fi Predazzo, fl-1902 fi Giustino, u fl-1926 fi Tione, dehru l-ewwel farms tal-ħut privati, u wara t-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm bosta oħrajn. Din it-tradizzjoni ġiet ikkonsolidata meta fl-1975 ġiet stabbilita l-Associazione dei Troticoltori Trentini (l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa li Jrabbu t-Trota ta’ Trento), li kellha rwol importanti għat-tnedija mill-ġdid tat-trobbija tat-trota fiż-żona tal-produzzjoni, b’tali mod li l-isem “Salmerino del Trentino” beda jissemma' fil-lingwaġġ komuni u kummerċjali, kif jidher sew mill-kontijiet, tikketti u materjal ta’ pubbliċità.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Il-Gvern nieda l-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tal-IĠP “Salmerino del Trentino” fil-Gazzetta Ufficiale della Repubblica Italiana Nru 303 tat-30 ta’ Diċembru 2011.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit elettroniku li ġej:

http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

billi wieħed imur direttament fil-paġna ewlenija tas-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (http://www.politicheagricole.it), jikklikkja fuq il-kliem “Qualità e sicurezza” (il-parti ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u wara jikklikkja fuq il-kliem “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


9.8.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/13


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

2012/C 239/05

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 (1). Id-dikjarazzjonjiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL REĠISTRAZZJONI TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA (STG)

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

“MOULES DE BOUCHOT”

KE Nru: FR-TSG-0007-0048-28.12.2006

1.   L-isem u l-indirizz tal-grupp applikant:

Isem:

Groupement des mytiliculteurs sur bouchots (GMB)

Indirizz:

122 rue de Javel

75015 Paris

FRANCE

Tel.

+33 112974844

Fax

Posta elettronika:

gmb@cnc-france.com

2.   L-Istat Membru jew il-pajjiż terz:

Franza

3.   L-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

3.1.   L-isem jew l-ismijiet li għandhom jiġu rreġistrati:

“Moules de bouchot”

L-applikazzjoni tikkonċerna l-isem “moules de bouchot” bil-lingwa Franċiża biss.

Waqt il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, huwa possibbli li tiżdied sentenza oħra – li għandha tkun tradotta fil-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni Ewropea – li tippreċiża li “ġie prodott skont it-tradizzjoni Franċiża”

3.2.   Indika jekk l-isem:

huwiex speċifiku fih innifsu

jesprimix il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

Il-kultivazzjoni fuq puntali tfisser il-produzzjoni tal-maskli fuq puntali verikali, irranġati f’linji dritti li huma esposti kompletament jew parzjalment waqt frugħ il-baħar.

3.3.   Indika jekk l-isem hux qed jiġi rriżervat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006:

Reġistrazzjoni flimkien mar-riżervazzjoni tal-isem

Reġistrazzjoni bl-isem mhux riżervat

3.4.   It-tip tal-prodott:

Klassi 1.7.

Ħut frisk, molluski u krostaċji friski u prodotti li ġejjin minnhom

3.5.   Id-deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel li għalih japplika l-isem fil-punt 3.1:

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-ispeċifikazzjoni jikkonċerna biss il-prodotti bl-isem “moules de bouchot”, jiġifieri l-maskli kkultivati esklussivament fuq il-puntali mil-larva wara li jkunu nqabdu fil-ħabitat naturali tagħhom. Il-maskli maqbuda bis-sajd jew ikkultivati mod ieħor huma esklużi.

Il-maskli bl-isem tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita “moules de bouchot” għandhom ikunu friski, ħajjin u intatti.

Żewġ speċijiet huma kkultivati għall-“moules de bouchot”: Mytilus edulis u Mytilus galloprovincialis (jew ibridi miż-żewġ speċijiet).

Dawn l-ispeċijiet jikkorrispondu għall-prodotti magħżula minħabba l-kapaċità tagħhom li jgħixu:

fil-kundizzjonijiet tal-kultivazzjoni max-xatt kif stabbiliti f’din l-ispeċifikazzjoni;

skont il-metodi u t-tul ta’ żmien tal-kultivazzjoni li jippermettu l-garanzija tal-speċifiċità u r-regolarità tal-prodotti.

Il-karatteristiċi anatomiċi u organolettiċi tal-“moules de bouchot” huma dovuti kemm għall-karatteristiċi ta’ dawn l-ispeċijiet, kif ukoll għall-metodu partikolari ta’ produzzjoni.

3.5.1.   Karatteristiċi anatomiċi

Il-qoxra hija magħmul minn żewġ nofsijiet lixxi ta’ forma regolari, li l-kulur tagħhom ivarja minn kannella skur għal ikħal fil-griż, u li jippreżentaw linji konċentriċi li jindikaw kemm kibru. Il-ħxuna minima tal-qoxra hija ta’ 12 mm.

Il-maskli huma kkaratterizzati minn żewġ organi speċifiċi: is-sieq li tassigura l-moviment tal-masklu, u glandola li tipproduċi l-byssus, ħjut li bihom jaqbad ma’ superfiċje.

Il-metodu ta’ produzzjoni fuq il-puntali max-xtut, fiż-żoni soġġetti għall-frugħ frekwenti tal-baħar, jippermetti:

żvilupp ta’ muskoli addutturi b’saħħithom, sabiex il-masklu jibqa’ magħluq waqt il-frugħ kollu tal-baħar u

żvilupp ta’ qoxra aktar reżistenti u solida fiż-żmien tal-ħsad, minħabba l-esponiment frekwenti ta’ dan il-masklu għall-beraħ u għax-xemx.

Il-maskli prodotti fuq il-puntali għandhom il-karatteristika distinta tal-proporzjon għoli ta’ laħam meta mqabbel mal-qoxra, konsistentement għolja fost maskli mill-istess lott Il-proporzjon ta’ laħam huwa mkejjel skont l-indiċi Lawrence & Scott li fil-każ tal-“moules de bouchot” huwa tal-valur ugwali jew superjuri għal 100.

Barra minn hekk, il-“moules de bouchot” ma fihomx korpi estranji (bħal granċijiet jew ramel), u għandhom il-qxur nodfa (mingħajr alga, ħama jew ramel), għaliex fil-ħin tat-tqegħid ta’ ħabel jew kolja fuq il-puntal, jitħalla għoli minimu ta’ 30 ċentimetru bejn l-art u tarf il-ħabel jew il-kolja.

3.5.2.   Karatteristiċi organolettiċi

Il-kulur tal-laħam imsajjar huwa bejn krema u isfar fl-oranġjo, skont id-dieta tal-maskli (il-preżenza tal-karotin u tal-vitamina A fil-fitoplankton) u fuq l-istat fiżjoloġiku tagħhom (il-fażi ta’ riproduzzjoni). Il-laħam tal-“moules de bouchot” huwa żejtni, lixx, b’konsistenza u mhux imrammel, u l-metodu tat-trobbija jiżgura reżistenza aħjar tal-mollusk għall-esponiment (meta l-prodott jiġi kkundizzjonat, ittrasportat, maħżun u kkummerċjalizzat).

Il-metodu ta’ kultivazzjoni jippermetti li jiġu evitati togħmiet u rwejjaħ ħżiena mill-ħama, billi ma hemmx kuntatt mal-qiegħ.

Il-metodi għal-kejl ta’ uħud minn dawn il-kriterji f’lottijiet ta’ maskli lesti għall-kummerċjalizzazzjoni huma mogħtija fit-Taqsima 3.6 relatata mal-metodu tal-produzzjoni.

3.6.   Id-deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 3.1:

Il-produzzjoni tal-“moules de bouchot” ssir fl-istadji li ġejjin:

3.6.1.   It-taħwil tal-puntali

Il-maskli huma kkultivati fuq biċċiet ta’ art jew plottijiet fiż-żoni ta’ kultivazzjoni max-xatt. Dawn huma partijiet mix-xatt li jkunu soġġetti għall-moviment tal-mewġ u li jinsabu bejn il-limiti superjuri u inferjuri tal-marea, li l-wisa’ tagħha hija proporzjonali għax-xaqliba tax-xatt fejn il-mili tal-ilma huwa fl-ogħla livell.

Il-puntali jitqiegħdu f’ringieli max-xatt mill-għoli sal-baxx. Ir-ringieli ta’ fuq jikkostitwixxu żona ta’ ħżin għall-maskli li jilħqu d-daqs li jkun tajjeb għall-konsum mill-bniedem.

Kull plott fih ringieli ta’ linji paralleli ta’ puntali vertikali, li huma perpendikulari max-xatt, u t-tqassim u d-densità massima tagħhom huma kif ġej:

puntal għal kull linja tripla ta’ 100 m

puntal għal kull linja doppja ta’ 100 m

puntal għal kull linja individwali ta’ 100 m

3.6.2.   Il-ġbir u t-trasport tal-larva

Il-kultivazzjoni tal-maskli ssir skont l-istadji differenti li ġejjin:

—   il-larva: ikun għadu żgħir biżżejjed li jista’ jiċċaqlaq. Il-larva maqbuda f’kolletturi (ħbula magħmula mill-qanneb jew il-fibra tal-ġewża tal-Indi) ikunu għadhom jistgħu jinqlagħu, billi jiżżerżqu fuq sieqhom, jew billi jgħumu fuq wiċċ il-kolonna tal-ilma.

—   il-ferħ: meta jkun imwaħħal sod ma’ kollettur u qabel ma jiġi ttrasferit għal fuq il-puntali.

—   masklu żgħir: fil-każ li jkun hemm frieħ żejda, dawn jitneħħew u jitqiegħdu f’tubi tax-xbieki li mbagħad jiddawru ma’ puntal (din l-operazzjoni tissejjaħ “boudinage”)

—   masklu adolexxenti: wara t-twaħħil definittiv tal-frieħ jew tal-maskli żgħar mal-puntali.

3.6.2.1.   Il-qbid tal-larva tal-maskli fuq il-kolletturi

Dan l-istadju preliminari fil-kultivazzjoni tal-“moules de bouchot” jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-istabbiliment tal-larva tal-maskli fil-kolletturi magħmula minn fibri naturali u bijodegradabbli.

Il-qbid isir f’żoni adattati max-xatt, li huma nnominati u rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat konċernat, rreġistrati f’katast marittimu b’identifikatur li jippermetti l-lokalizzazzjoni preċiża tagħhom. Il-qbid jiffoka fuq siti fejn hemm abbundanza naturali tal-larva li jinġiebu bil-kurrenti tal-ilma.

Il-qbid jista’ jsir ukoll direttament fuq il-puntali.

3.6.2.2.   It-trasport tal-larva tal-maskli għal fuq il-kolletturi

Bosta postijiet tal-kultivazzjoni ma għandhomx żoni ta’ qbid fil-viċinanza tagħhom. F’dawn il-każijiet, il-ħbula għandhom jitwasslu miż-żoni tal-qbid għal fuq iż-żoni tal-kultivazzjoni.

Ladarba jiġu stabbiliti, il-larva jiżviluppaw fi frieħ, li mbagħad ikomplu jikbru mal-ħbula mqiegħda fir-ringieli ta’ adattament li jinsabu fiż-żoni tal-kultivazzjoni jew direttament fuq il-puntal.

3.6.3.   Il-kultivazzjoni u l-ħsad tal-“moules de bouchot”

3.6.3.1.   It-tnebbit

It-tnebbit jinvolvi t-tidwir tal-ħbula bil-frieħ mal-puntali.

It-tnebbit jista’ wkoll jirreferi għat-tidwir mal-puntali tat-tubi tal-fibra (boudins) li fihom il-maskli żgħar.

Il-masklu żgħir ikun ġej mill-ferħ ikkultivat fuq is-sit u meħud miż-żejjed ta’ puntali oħra li tnibbtu fl-istess sena ta’ produzzjoni.

Fil-każ eċċezzjonali li jkun hemm nuqqas ta’ larva mal-ħbula, l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż konċernat jistgħu jawtorizzaw li l-maskli żgħar (li għandhom jitpoġġew fit-tubi tax-xbieki) jinqabdu minn żoni naturali, soġġett għar-regoli dwar is-sorveljanza sanitarja li japplikaw għaż-żoni tal-produzzjoni f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-pajjiż konċernat.

F’kull każ ma jistgħux jintużaw prodotti li ġejjin mill-imfaqas jew mill-mixtliet..

Il-maskli jiġu kkultivati fuq il-puntali f’partijiet jew plottijiet fuq ix-xtut. Il-kultivazzjoni tal-“moules de bouchot” issir fuq puntal vertikali li jkun għoli mhux aktar minn 6 metri, (li parti minnu jitħawwel fl-art), li ma jistax jitneħħa ladarba l-frieħ jiġu stabbiliti fih. L-għoli tal-parti mnebbta tal-puntal huwa mhux aktar minn 3,50 metri.

Titħalla distanza ta’ 30 ċentimetru bejn l-art u t-tarf t’isfel tal-ħbula meta l-frieħ jiġu stabbiliti fuq il-puntali.

3.6.3.2.   Il-kultivazzjoni

Dan l-istadju – minn meta l-maskli jitqiegħdu fuq il-puntali sal-bidu tal-preparazzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, idum minimu ta’ 6 xhur u massimu ta’ 24 xahar.

Il-kultivazzjoni fuq il-puntal tikkonsisti mit-tqegħid fuqu ta’ għadd xieraq ta’ maskli individwali. Huma u jiżviluppaw, il-maskli fuq is-saffi ta’ barra jikbru aktar malajr minn dawk fuq ġewwa. Il-maskli jistgħu jiġu ttrasferiti għal fuq puntali ġodda matul il-perjodu tat-tkabbir tagħhom. Il-maskli fis-saff ta’ barra jinġabru u jitqiegħdu fit-tubu tax-xbieki li jiddawwar ma’ puntal ġdid. Dan jissejjaħ “boudinage”.

B’dan il-mod, l-annimali jistgħu jiġu ttrasferiti għal fuq puntali ġodda kemm-il darba matul l-iżvilupp tagħhom.

Il-kolji li jirriżultaw normalment jitwaħħlu mal-puntali li jinsabu aktar fil-għoli fuq ix-xatt.

3.6.3.3.   Il-ħsad

Il-ħsad isir wara l-proċess ta’ kultivazzjoni deskritt fil-punt 3.6.3.2. Dan jikkonsisti mit-tneħħija ta’ għenieqed ta’ maskli minn fuq il-puntali, u jista’ jsir bil-magna jew bl-idejn.

Il-ġbir tal-maskli li jkunu waqgħu għal ma’ qiegħ il-puntal mhuwiex permess.

3.6.4.   It-tisfija u l-ħżin

L-istadju tat-tisfija u tal-ħżin jibda wara l-ħsad tal-maskli u qabel ma jiġu ppakkjati.

3.6.4.1.   It-tisfija

Dan isir jekk ikun meħtieġ, biex ikun żgurat li l-maskli huma adattati għall-konsum mill-bniedem, f’konformità mar-regoli fis-seħħ fl-Istat konċernat fejn huma prodotti u kkummerċjalizzati.

It-tisfija ssir wara l-ħsad:

jew billi jitqiegħdu fir-riżerva, f’kontenituri magħluqa li minnhom tgħaddi l-arja, fil-plottijiet jew partijiet minnhom fuq ix-xatt fejn jiġu kkultivati l-“moules de bouchot”.

jew billi jitqiegħdu f’kontenituri magħluqa li minnhom tgħaddi l-arja, f’tankijiet fuq ix-xatt mimlijin bl-ilma baħar f’ċentri ta’ tisfija jew ta’ konsenja.

Meta l-maskli jitqiegħdu fir-riżerva u jinżammu f’tank, il-perjodu ta’ żmien totali ma jistax jaqbeż 15-il jum.

3.6.4.2.   Il-ħżin

Il-ħżin jista’ jsir jew fil-bini tal-produtturi stess (ara l-istadju tal-kultivazzjoni) meta l-produttur ikun wkoll il-konsenjatur, jew f’ċentru tal-konsenja (jew tal-ippakkjar) iċċertifikat. Il-ħżin huwa stadju ta’ preservazzjoni tal-prodotti qabel l-ippakkjar, billi jitqiegħdu f’tankijiet taħt l-ilma jew le wara stadju ta’ tisfija, jekk ikun meħtieġ.

Il-ħsad idum mhux aktar minn 15-il jum b’bidu mill-ħruġ mill-ilma fiż-żona tal-kultivazzjoni sal-ippakkjar. Il-maskli jinżammu fit-tankijiet li mhumiex taħt l-ilma għal mhux aktar minn tmint ijiem.

3.6.5.   L-ippakkjar (jew l-istadju tal-konsenja)

Wara li jitneħħew mir-riżerva jew mit-tank tat-tisfija, il-maskli jiġu maħsula u sseparati minn xulxin, u magħżula fiċ-ċentri tal-konsenja.

Id-distakk minimu bejn il-linji tal-grilji utilizzati għall-ikkalibrar tal-maskli huwa stabbilit għal 12 mm.

Biex jikkwalifikaw bħala speċjalità tradizzjonali garantita, il-lottijiet ippakkjati tal-“moules de bouchot” għandu jkun fihom maskli ta’ ħxuna superjuri jew ugwali għal 12 mm, bi proporzjon ta’ massimu ta’ 5 % tal-maskli ta’ ħxuna ta’ anqas minn 12 mm.

Il-proporzjon tal-laħam minimu mqabbel mal-qoxra huwa kkalkolat skont l-indiċi tal-kejl Lawrence & Scott, kif ġej:

Indiċi = piż niexef tal-laħam * 1 000/(piż totali – piż tal-qoxra)

Jista’ jintuża indiċi semplifikat u kkalkolat kif ġej:

Indiċi semplifikat = piż tal-laħam wara t-tisjir/Piż totali qabel it-tisjir

Il-maskli magħżula bħala Speċjalità Tradizzjonali Garantita għandhom jippreżentaw indiċi Lawrence & Scott ta’ ≥ 100.

Fċirkostanzi eċċezzjonali l-proporzjon tal-maskli lesti għall-ippakkjar jista’ jiġi modifikat (jiġifieri minħabba kundizzjonijiet sfavorevoli ta’ alimentazzjoni naturali) għal ħsad determinata, fuq deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-istat konċernat, wara applikazzjoni sostanzjata. Madankollu, dawn il-valuri ma jistgħu fl-ebda każ ikunu anqas minn 10 % tal-proporzjon minimu ta’ 100.

Il-maskli għandhom ukoll:

ikunu nodfa minn barra,

ikunu ħajjin.

L-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-“moules de bouchot” isiru f’kontenituri li jesgħu massimu ta’ 15 kg. Jistgħu jinbigħu f’boroż ta’ bejn 2 u 15 kg jew f’kaxxa ta’ bejn 0,5 sa 7 kg.

3.6.6.   Bejgħ lill-konsumaturi

It-tikkettar tal-maskli li jikkwalifikaw għad-denominazzjoni “moules de bouchot” għandu jkollu, fuq kull pakkett individwali:

l-isem tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita -“moules de bouchot” miktub:

bl-ikbar ittri fuq it-tikketta;

b’ittri tal-istess tul u wisa’;

b’ittri tal-istess kulur;

fi blokka waħda.

It-tismija “spécialité traditionnelle garantie” (speċjalità tradizzjonali garantita) u l-logo “STG” immedjatament qabel jew wara l-isem tal-ispeċjalità tradizzjonali garantita mingħajr ebda test ieħor bejniethom.

Kull test ieħor, partikolarment dak obbligatorju skont ir-regoli ġenerali għandu jkun separat b’mod ċar mill-isem tal-STG.

3.7.   Il-karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel:

Il-karattru speċifiku tal-“moules de bouchot” jiddependi fuq il-karatteristiċi li ġejjin, li joriġinaw mill-kundizzjonijiet tal-kultivazzjoni, il-metodi u t-tul ta’ żmien tal-kultivazzjoni li jippermettu garanzija tal-ispeċifiċità u r-regolarità tal-prodotti:

Qoxra iebsa

Il-metodu ta’ produzzjoni f’żona tal-frugħ frekwenti u l-esponiment frekwenti tal-qoxra għall-arja u għax-xemx jirriżultaw fl-ebusija tal-qoxra tal-maskli. Għal din il-raġuni l-“moules de bouchot” huma solidi ferm.

Muskolu adduttur b’saħħtu u konsistenza lixxa, żejtnija u mhux imrammla

Il-metodu ta’ produzzjoni f’żona ta’ frugħ frekwenti jippermetti l-iżvilupp ta’ muskoli addutturi b’saħħithom, u b’hekk il-qoxra tibqa’ magħluqa tul il-perjodu kollu tal-frugħ tal-baħar. Il-konsistenza tal-laħam tibqa’ lixxa, żejtnija u mhux imrammla, għaliex il-masklu jibqa’ msakkar matul il-fażijiet tal-ippakkjar, tat-trasport, tal-ħżin u tal-kummerċjalizzazzjoni.

Il-kulur tal-laħam imsajjar tiegħu li jkanġi minn krema għall-isfar fl-oranġjo

Il-maskli kkultivati huma sseparati sew minn xulxin f’ambjent suffiċjenti fejn l-alimentazzjoni tal-fitoplankton hija abbundanti, u din tagħtihom il-kulur tal-laħam li jkanġi bejn krema u isfar fl-oranġjo. Massimu ta’ 10 % tal-maskli ikollhom kulur differenti.

Ndafa u nuqqas ta’ rwejjaħ minn ħama u minn korpi estranji

Il-“moules de bouchot” għandhom qoxra nadifa, ma fihomx korpi estranji (granċijiet jew ramel), mingħajr ebda riħa jew togħma ta’ ħama, għaliex fil-ħin tat-tqegħid ta’ ħabel jew kolja fuq il-puntal, jitħalla spazju tal-għoli minimu ta’ 30 ċentimetru bejn l-art u l-livell tal-ħabel jew tal-kolja. Għalhekk il-“moule de bouchot” ma għandu l-ebda kuntatt mal-art.

Il-proporzjon konsistenti ta’ kontenut ta’ laħam, indiċi minimu ta’ 100

It-tqassim omoġenju u d-densità żgħira tal-puntali fuq ix-xatt, kif ukoll il-kura li tittieħed fid-distribuzzjoni regolari tal-maskli tul il-puntali, jippermettu firxa ta’ maskli mqassma b’mod regolari fuq il-medda ta’ ilma disponibbli fuq ix-xatt.

Dan jagħti lill-maskli l-opportunità li jgawdu mill-elementi nutrittivi li jiċċirkolaw fil-livelli differenti tal-ilma, li jippermetti proporzjon ta’ laħam għall-qoxra ta’ 100 skont l-indiċi ta’ Lauwrence & Scott.

3.8.   Il-karattru tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-prodott tal-ikel:

Il-karattru tradizzjonali tal-“moules de bouchot” jiddependi fuq il-kundizzjonijiet li ġejjin:

din il-kultivazzjoni ssir dejjem fuq il-puntali tal-injam allinjati f’ringieli b’mod vertikali,

l-elementi nutrittivi preżenti fl-ambjent marittimu jiżguraw l-iżvilupp tal-maskli.

Il-kultivazzjoni tikkonsisti minn sorveljanza mill-qrib tal-prodott min-naħa tal-kultivatur u mit- trasferiment tal-maskli żgħar biex ikun żgurat tkabbir omoġenju fost il-ħlejjaq kollha li qed jiġu kkultivati.

3.8.1.   Il-kultivazzjoni fuq il-puntali tal-injam

It-tradizzjoni tal-kultivazzjoni tal-maskli fuq il-puntali tmur lura għas-sena 1235. L-istorja tirrakkonta li ċertu Irlandiż, Patrick Walton, ġarrab nawfraġju fl-1235 fil-bajja ta’ Aiguillon; Kien l-unika persuna li salvat, u stabbilixxa ruħu f’Esnandes. Biex jiekol kien jaqbad l-għasafar bl-għajnuna ta’ xibka partikolari, (allouret) li kien jifrex fuq wiċċ l-ilma bejn żewġ lasti mwaħħlin f’qiegħ tal-baħar. Malajr induna li l-maskli li kienu jinġabru madwar dawn il-lasti kienu akbar minn dawk salvaġġi. Għalhekk iddeċieda li jipprova jkabbar dawn il-maskli (Marteil, 1979).

Għal dan il-għan, ħawwel linji ta’ puntali li fuqhom setgħu jinġabru u jikbru l-maskli. Ta l-isem “bouchots” (kelma ta’ oriġini Keltika ġejja mill-kelma “bout”, (għeluq) u “choat/chot” (lasta tal-injam). (Marteil, 1979).

Din il-kultivazzjon għadha pprattikata sal-lum fuq l-istess prinċipji It-tagħmir inbidel xi ftit, bis-saħħa ta’ innovazzjonijiet teknoloġiċi.

Matul is-sekli, kien hemm xi kittieba li ħadu interess fil-kultivazzjoni tal-maskli u li sostnew li t-teknika li kien bdiha l-Irlandiż ftit li xejn inbidlet. Coste (1855) kiteb li t-teknika li Walton kien beda tant kienet adattata għall-ħtiġijiet tal-industrija l-ġdida li tmien sekli aktar tard għadha sservi bħala l-prassi għall-komunitajiet li għalihom saret patrimonju.

Mill-1930, il-lasti tradizzjonali ġew sostitwiti bil-puntali (zkuk tas-siġar aktar solidi b’dijametru eħxen mil-lasti, li kellhom tul ta’ ħajja qasira).

Il-modifiki fl-installazzjonijiet wara 1-1950 oriġinaw minħabba l-ewwel digrieti li jirregolaw il-kultivazzjoni tal-maskli. L-Istat sar il-proprjetarju tal-art li tinkera mingħandu u hija ssorveljata minnu; il-puntali ma setgħux jibqgħu jiġu rranġati f’forma ta’ V għax dan jikkontribwixxi biex tinġabar il-ħama. Minn dak iż-żmien ‘il hawn il-puntali bdew jitqassmu f’linji paralleli, u perpendikulari max-xatt. It-tħawwil tagħhom huwa rregolat; dawn ir-regoli jvarjaw minn reġjun għal ieħor għaliex il-kundizzjonijiet tal-ambjent, il-karatteristika tal-art, il-kurrenti tal-ilma, ir-rikkezza ta’ elementi nutrittivi u fatturi oħra jvarjaw skont iż-żona.

Il-metodu ta’ produzzjoni evolva għall-finijiet ta’ żieda fir-rendimenti, iżda s-sistema tal-puntali mħawlin f’ringieli għadha tikkostitwixxi l-bażi tal-installazzjonijiet li ġew żviluppati.

3.8.2.   It-tqiegħid tal-puntali f’livelli differenti

Fl-1855, Coste kiteb li l-puntali jistgħu jitqassmu sa erba’ livelli.

Din il-prassi tat-tqegħid f’kannizzati fuq ix-xatt għadha teżisti sal-lum. Il-puntali jitqiegħdu f’ringieli max-xatt mill-għoli sal-baxx billi tintuża l-varjazzjoni fil-livelli tax-xatt. Ir-ringieli ta’ fuq jikkostitwixxu żona ta’ ħażna għall-maskli li jilħqu d-daqs li jkun tajjeb għall-konsum mill-bniedem.

3.8.3.   L-użu tal-ambjent naturali biss

Il-maskli huma kkultivati strettament fl-ambjent naturali tagħhom. Il-fertilizzazzjoni hija naturali fil-baħar mingħajr l-intervent mill-bniedem, l-alimentazzjoni hija esklussivament ikkostitwita mill-fitoplankton naturali u ħaj, u ma jintuża l-ebda trattament kimiku fl-ambjent marittimu waqt it-tkabbir.

3.9.   Rekwiżiti minimi u proċeduri li għandhom jintużaw sabiex ikun eżaminat il-karattru speċifiku:

Elementi li għandhom jiġu eżaminati/ttestjati

Valuri ta’ limitu

Metodu għall-evalwazzjoni

Rata minima ta’ kontroll

Il-pożizzjoni tal-puntali

100 % tal-puntali max-xatt

Verifika viżwali u/jew dokumentata

20 % tal-operturi fis-sena

Id-densità tal-puntali

Sa jew ugwali għal:

350 puntal/100 m (linji tripli)

250 puntal/100 m (linji doppji)

200 puntal/100 m (linji individwali)

Verifika dokumentata

20 % tal-operaturi fis-sena

Nuqqas ta’ kuntatt mal-art jew mal-qiegħ

100 % tal-puntali

Verifika viżwali u/jew dokumentata

20 % tal-operaturi fis-sena

Ċiklu ta’ kultivazzjoni fuq il-puntali

100 % tal-produzzjoni

Verifika viżwali u/jew dokumentata

20 % tal-operaturi fis-sena

It-tul ta’ żmien taċ-ċiklu tal-kultivazzjoni fuq il-puntali

Aktar minn 6 xhur u anqas minn 24 xahar

Verifika dokumentata

Darbtejn fis-sena

Kulur tal-laħam meta jkun imsajjar:

Bejn krema u isfar fl-oranġjo

Massimu ta’ 10 % tal-maskli ta’ kulur differenti

Kejl:

Darbtejn fis-sena

Eżami analitika

L-indiċi Lawrence & Scott tal-valur superjuri jew ugwali għal 100 u tal-ħxuna tal-qoxra superjuri jew ugwali għal 12 mm,

massimu ta’ 5 % tal-maskli tal-ħxuna inferjuri għal 12 mm

Kejl u/jew verifika dokumentata

Darbtejn fis-sena

Flimkien ma’ awtokontrolli kull xahrejn

4.   Awtoritajiet jew entitajiet li jivverifikaw il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

4.1.   Isem u indirizz:

Isem:

CERTIS

Indirizz:

Immeuble Le Millepertuis

Les Landes d’Apigné

35650 Le Rheu

FRANCE

Tel.

+33 299608282

Posta elettronika:

certis@certis.com.fr

 Pubbliku

☒ Privat

4.2.   Il-kompiti speċifiċi tal-awtorità jew tal-entità:

Entità akkreditata ta’ ċertifikazzjoni skont l-istandard EN 45011, bir-responsabbiltà għall-verifika tal-ispeċifikazzjoni fi Franza. L-entità ta’ spezzjoni msemmija hawn fuq hija responsabbli għall-kontroll tal-ispeċifikazzjoni kollha kemm hi.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.