ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.179.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 179

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
20 ta' Ġunju 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-QORTI TAL-AWDITURI

2012/C 179/01

L-Opinjoni Nru 4/2012 dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni fuq il-bażi tar-riżultati miksuba kif stabbilit skont l-Artikolu 318 tat- Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

1

MT

 


III Atti preparatorji

IL-QORTI TAL-AWDITURI

20.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 179/1


L-OPINJONI Nru 4/2012

dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni fuq il-bażi tar-riżultati miksuba kif stabbilit skont l-Artikolu 318 tat- Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

2012/C 179/01

INTRODUZZJONI

1.

Fi Frar 2012, Il-Kummissjoni ppubblikat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni fuq il-bażi tar-riżultati miksuba (1) (ir-rapport ta’ evalwazzjoni). It-Trattat jitlob li l-Kummissjoni tipproduċi rapport bħal dan, u li r-rapport ikun parti mill-evidenza li fuqha l-Parlament jagħti kwittanza kull sena lill-Kummissjoni fir-rigward tal-baġit (2).

2.

F’dak li jirrigwarda l-intenzjonijiet speċifiċi tal-leġiżlatur, il-Parlament, fid-deċiżjoni tiegħu ta’ Mejju 2011 dwar il-kwittanza tal-2009, iddikjara li huwa:

“jemmen li r-rapport ta' evalwazzjoni għandu jitfassal sabiex ir-relazzjoni bejn l-indikaturi prinċipali ta' prestazzjoni, il-bażi legali/politika tagħhom, l-ammont tan-nefqa u r-riżultati miksuba tkun ċara u trasparenti (3).”

Fl-istess dokument, il-Parlament ukoll enfasizza li biex il-pubbliku jkollu fiduċja fil-baġit tal-Unjoni, it-twassil ta’ riżultati ppjanati kien ta’ importanza ugwali daqs kwistjonijiet ta’ legalità u regolarità u l-affidabbiltà tal-kontijiet. F’dan il-kuntest il-Parlament stieden lill-Kummissjoni “teżamina mill-ġdid is-sistemi tagħha għall-evalwazzjoni tal-effikaċja (effettività) tal-programmi ta' nfiq sabiex tivvaluta jekk humiex qed jagħtu valur miżjud, jekk humiex qed irendu l-valur skont il-flus li qed jintefqu, u jekk humiex qed jilħqu l-objettivi li għalihom ġew stabbiliti” (4).

3.

Il-Parlament stieden lill-Qorti biex tippreżenta l-opinjoni tagħha dwar ir-rapport ta' evalwazzjoni (5). Din l-Opinjoni tissodisfa dik it-talba. Madankollu, minħabba n-natura preliminari tal-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni, il-Qorti ma tfittixx li tikkummenta fid-dettall fuq il-kontenut ta’ dak ir-rapport.

Il-fehma tal-Qorti dwar l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni u dwar l-iżvilupp tiegħu fil-ġejjieni

4.

L-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni huwa vag, nieqes mis-sustanza, u konsegwentement iżid valur limitat. Huwa ċar (6) li l-Kummissjoni għad m’għandhiex stampa ċara ta’ kif tissodisfa dak li qiegħed jintalab minnha fit-Trattat. Il-Kummissjoni tiddikjara li qiegħda teżamina kif għandha tiżviluppa l-kontenut tar-rapport, u se tqis kwalunkwe fehma espressa mill-Parlament u mill-Kunsill. Il-Qorti tqis li l-Kummissjoni għandha tmur lil hinn minn dan u tikkonsulta dawn iż-żewġ Istituzzjonijiet b’mod attiv.

5.

Il-Qorti hija tal-opinjoni li r-rapport ta’ evalwazzjoni jista’ jagħmel kontribut potenzjali għaż-żieda tal-obbligu ta’ rendikont tal-Kummissjoni lejn l-awtorità ta’ kwittanza u b’hekk lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni. Madankollu, biex tagħmel dan b’mod effettiv, il-Kummissjoni teħtieġ tqis l-iskop, il-kontenut, l-ambitu u t-twaqqit tar-rapport ta’ evalwazzjoni. Dawn l-aspetti huma żviluppati f’aktar dettall fil-paragrafi li ġejjin.

L-iskop u l-kontenut

6.

Ir-rekwiżit tat-Trattat dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni jirrappreżenta pass ieħor fiċ-ċaqliq gradwali biex jiżdied il-fowkus tas-sistemi ta’ rappurtar u obbligu ta’ rendikont fuq l-ilħuq tar-riżultati, aktar milli biss fuq il-konformità mar-regoli. Il-leġiżlaturi jridu jkunu jafu jekk l-infiq tal-Unjoni huwiex attwalment ikollu impatt. Ir-rapporti speċjali u l-opinjonijiet tal-Qorti stess regolarment jagħmlu l-punt li s-sistemi tal-Kummissjoni mhumiex imfassla tajjeb ħafna biex dan isir.

7.

Hemm għadd ta’ għejun potenzjali ta’ evidenza fuq il-kisbiet – ir-rapport ta’ evalwazzjoni nnifsu jelenka evalwazzjonijiet individwali tal-programmi speċifiċi, tal-valutazzjonijiet tal-impatt, tar-rapporti tal-attività annwali, tar-rapport ta’ sinteżi, tad-dikjarazzjonijiet ta’ attività u tar-rapport dwar is-segwitu għar-riżoluzzjoni tal-kwittanza; ma’ dawn jistgħu jingħaddu r-rapporti speċjali tal-Qorti. Madankollu dawn l-għejun varji mhumiex miġbura flimkien b’mod koerenti u ta’ sikwit wisq jiffukaw fuq ir-riżultati milħuqa minn programmi multiannwali mlestija, meta jkun tard wisq biex it-twassil jiġi aġġustat biex jiżdied l-impatt tagħhom.

8.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni jagħmel il-punt li n-natura tal-infiq tal-Unjoni ta’ sikwit ma tippermettix il-valutazzjoni tar-riżultati fuq bażi annwali (7). Dak huwa minnu, iżda hemm lok għal rappurtar aħjar dwar jekk x’aktarx li jintlaħqu l-objettivi fuq terminu ta’ żmien itwal. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni huwa opportunità biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.

9.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tissuġġerixxi li dan ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jkun il-punt ta’ tluq għal reviżjoni fundamentali mill-Kummissjoni dwar is-sistemi ta’ rappurtar u obbligu ta’ rendikont tagħha. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni jġib l-argument li s-sistema attwali tiegħu ta’ evalwazzjonijiet relattivament infrekwenti tal-programmi mhijiex xierqa għat-tiswir ta’ analiżi annwali tar-riżultati milħuqa (8). Il-Qorti taqbel, u tara l-evalwazzjonijiet bħala parti biss mill-bażi ta’ evidenza għal dan ir-rapport fil-ġejjieni.

10.

Biex ir-rapport ta’ evalwazzjoni jissodisfa l-ħtiġijiet deskritti fil-paragrafi preċedenti u l-aspettattivi tal-awtorità ta’ kwittanza, se jinħtieġu xi arranġamenti ta’ rappurtar differenti, iżda mhux bilfors addizzjonali, imfassla biex jagħtu lill-awtorità ta’ kwittanza u lil partijiet interessati oħrajn l-informazzjoni li jeħtieġu dwar ir-riżultati milħuqa. B’mod partikolari, fi ħdan il-limiti tar-riżorsi eżistenti, il-Kummissjoni għandha tibda tinkorpora sistematikament l-indikaturi tal-prestazzjoni tal-programmi multiannwali u l-passi importanti li saru li, kieku, jippermettuha tevalwa f’punti intermedji ewlenin jekk huwiex probabbli li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti u l-impatti intenzjonati (9). Dan kieku jkun pass ieħor fit-triq lejn il-kejl tal-effettività. Il-konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 hawn fuq għandhom ukoll jippermettu lill-Kummissjoni tivvaluta l-aspettattivi fir-rigward tar-rappurtar fuq l-ekonomija u l-effiċjenza.

11.

Il-Qorti ppubblikat opinjonijiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti li jmexxu ż-żewġ oqsma prinċipali tan-nefqa, tal-koeżjoni u tal-agrikoltura tal-Unjoni, għall-perjodu 2014-2020 (10). Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti ġibdet l-attenzjoni għan-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi objettivi tal-politika f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultati – dak li l-finanzjament tal-UE huwa mfassal biex jilħaq. Mingħajr tiri ċari għal riżultati mistennija, il-Kummissjoni se tkompli ssibha diffiċli turi li n-nefqa tagħha tilħaq valur miżjud Ewropew – u għaldaqstant diffiċli tagħti assigurazzjoni li l-infiq tagħha huwa effettiv u effiċjenti.

12.

Barra min hekk, il-Kummmissjoni trid toqgħod attenta speċjalment għall-kwalità tad-data użata fir-rapporti ta’ evalwazzjoni annwali tagħha, inkluża dik id-data li ġejja mill-Istati Membri. Bħalma nnutat il-Qorti fil-paragrafu 39 tal-Opinjoni Nru No 7/2011 tagħha (11):

“Il-Kummissjoni għandha […] tikkunsidra kemm hu possibbli li tiżgura li d-data prodotta mill-Istati Membri b’rabta mal-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u l-prestazzjoni tal-programmi, ikollha livell ta’ kwalità aċċettabbli fit-termini ta’ relevanza, komparabbiltà u affidabbiltà.”

L-ambitu

13.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ppreżentat mill-Kummissjoni suppost ikopri l-kisbiet ta’ żewġ oqsma tal-politika, l-Edukazzjoni u l-kultura u r-Riċerka. Madankollu l-ambitu attwali huwa saħansitra aktar limitat minn dan. Pereżempju dan ir-rapport jagħti ħames objettivi ġenerali għall-Edukazzjoni u l-kultura, iżda mbagħad jagħti biss informazzjoni vaga ta’ evalwazzjoni dwar l-aħħar wieħed fost dawn. Ma tingħata l-ebda spjegazzjoni għalfejn l-ewwel erba’ objettivi jitħallew barra mill-analiżi.

14.

Il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni (12) dwar il-fatt li jekk wieħed jipprova jkopri l-programmi kollha finanzjati mill-Unjoni kull sena jkun hemm ir-riskju li jirriżulta rapport twil mingħajr fowkus. Din hija waħda minn għadd ta’ kwistjonijiet li għandhom mnejn jitqiesu mill-Parlament u mill-Kunsill f’koperazzjoni mal-Kummissjoni. Oħrajn jinkludu l-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni għandhiex tkopri mhux biss ir-riżultati u b’hekk l-effettività jew jekk l-ekonomija u l-effiċjenza għandhomx jiġu ttrattati wkoll. L-evalwazzjoni tista’ tkun tematika u tkopri kwistjonijiet fuq terminu ta’ żmien biss jew inkella tkun analiżi usa’ ta’ dak li l-Kummissjoni kisbet matul l-aħħar sena. Kwalunkwe kunsiderazzjoni bħal din trid tqis is-siwi tal-informazzjoni inkluża fir-rapport ta’ evalwazzjoni għall-proċedura ta’ kwittanza annwali.

It-twaqqit

15.

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni huwa wieħed mid-dokumenti li, skont l-Artikolu 319 TFUE, għandu jiġi eżaminat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew bħala parti mill-proċedura ta’ kwittanza. B’mod dovut, il-Kummissjoni ddikjarat li fil-ġejjieni bi ħsiebha tadottah sa nofs Novembru kull sena. (13) Dan huwa l-istess żmien tal-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-Qorti. Madankollu l-Parlament (14) talab lill-Qorti tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni fl-istess żmien tar-rapport annwali tal-Qorti. Biex il-Qorti tagħmel dan, tkun trid tirċievi dan id-dokument ħafna aktar kmieni.

KONKLUŻJONIJIET

16.

L-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni annwali tal-Kummissjoni huwa meħtieġ skont l-Artikolu 318 TFUE. Ir-rapport huwa vag, nieqes mis-sustanza u, konsegwentement iżid valur limitat. Madankollu l-Qorti hija tal-opinjoni li huwa jippreżenta lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b’opportunità biex jitħaddtu dwar u jaqblu fuq kif ir-rapport ta’ evalwazzjoni jista’ jsir siewi għall-awtorità ta’ kwittanza. Il-Qorti tissuġġerixxi li l-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati f’taħdita bħal din għandhom jinkludu:

jekk ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandux ikopri mhux biss ir-riżultati u b’hekk l-effettività iżda wkoll jekk l-ekonomija u l-effiċjenza għandhomx jiġu ttrattati;

l-ambitu u l-kopertura tar-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ kull sena; u

l-aspettattivi tal-legiżlaturi fir-rigward tal-irwol tal-Qorti tal-Awdituri biex teżamina dan ir-rapport.

Kieku l-Qorti kellha tiġi mitluba tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni fl-istess żmien tar-rapport annwali tagħha (bħalma diġà talab il-Parlament Ewropew), il-Qorti tiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li tkun trid tirċievi dan id-dokument ħafna aktar kmieni milli propost mill-Kummissjoni.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Awla CEAD, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fl-14 ta' Mejju 2012.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

Il-President


(1)  COM(2012) 40 finali.

(2)  L-Artikoli 318 u 319 TFUE.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2011 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima III – Il-Kummissjoni (SEC(2010)0963 – C7-0211/2010 – 2010/2142(DEC)), il-paragrafu 200.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2011 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, it-Taqsima III – Il-Kummissjoni (SEC(2010)0963 – C7-0211/2010 – 2010/2142(DEC)), il-paragrafi 71 u 72.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2011 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, it-Taqsima III – Il-Kummissjoni (SEC(2010)0963 – C7-0211/2010 – 2010/2142(DEC)), il-paragrafu 201.

(6)  Ara, pereżempju, l-aħħar żewġ paragrafi fil-paġna 16 tar-rapport tal-Kummissjoni COM(2012) 40 finali.

(7)  COM(2012) 40 finali, p. 3, it-tieni u t-tielet paragrafi.

(8)  COM(2012) 40 finali, p. 16, it-tieni paragrafu.

(9)  Il-Qorti tinnota li l-leġiżlatur għandu rwol importanti x’jaqdi fl-iżgurar li l-proposti tal-Kummissjoni jinkludu objettivi “SMART” (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin) biex ikun jista’ jsir kejl tal-prestazzjoni.

(10)  Ara wkoll l-Opinjoni Nru 7/2011, il-paragrafu 10 (ĠU C 47, 17.2.2012, p. 1); l-Opinjoni Nru 1/2012, il-paragrafi 8 u 151; kif ukoll il-paragrafu 8.54 tar-Rapport Annwali tal-QEA għall-2010 (ĠU C 326, 10.11.2011, p. 1).

(11)  Filwaqt li din l-Opinjoni kienet tirrigwarda l-fondi strutturali, il-punt huwa ġeneralment applikabbli għall-oqsma kollha ta’ ġestjoni maqsuma.

(12)  KUMM(2012) 40 finali, p. 3.

(13)  COM(2012) 40 finali, p. 2.

(14)  Ir-rapport tal-Cocobu A7-0098/2012 dwar il-kwittanza fuq il-baġit ġenerali għall- 2010.