ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.158.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 158

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
5 ta' Ġunju 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 158/01

Opinjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Mejju 2012 li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta mill-Unitajiet 3 u 4 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Mochovce (żewġ reatturi VVER 440/V-213), li jinsab fis-Slovakkja, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

1

2012/C 158/02

Opinjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Mejju 2012 li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv mill-Faċilità tal-Estrazzjoni tal-Uranju tal-Minjiera ta’ Talvivaara, fil-Finlandja, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

2

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 158/03

Rata tal-kambju tal-euro

3

2012/C 158/04

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l-2012 (SWD(2012) 130 final) (SWD(2012) 131 final)  ( 1 )

4

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 158/05

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6285 – Saria/Danish Crown/Daka JV) ( 1 )

23

2012/C 158/06

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6592 – Naxicap/Achares/Pro-Struct/Accent Jobs for People) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

24

2012/C 158/07

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6606 – Toshiba/IBM's Retail Stores Solutions business) ( 1 )

25

2012/C 158/08

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6584 – Vodafone/Cable & Wireless Worldwide) ( 1 )

26

2012/C 158/09

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6571 – Vitol/Grindrod/Cockett Group) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

27

2012/C 158/10

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6617 – Baycliffe/Trafigura/Blue Ocean) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

28

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kummissjoni Ewropea

5.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta’ Mejju 2012

li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta mill-Unitajiet 3 u 4 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Mochovce (żewġ reatturi VVER 440/V-213), li jinsab fis-Slovakkja, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

(It-test bis-Slovakk biss huwa awtentiku)

2012/C 158/01

Il-valutazzjoni hawn taħt hija mwettqa skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Euratom, bla ħsara għal kwalunkwe valutazzjoni addizzjonali li trid titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u minn leġiżlazzjoni sekondarja.

Fis-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern tas-Slovakkja, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, Dejta Ġenerali li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta mill-Unitajiet 3 u 4 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Mochovce (żewġ reatturi VVER 440/V-213), li jinsab fis-Slovakkja.

Abbażi ta’ din id-dejta u t-tagħrif kumplementari pprovdut mir-rappreżentanti tal-Gvern tas-Slovakkja fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti fl-1 u t-2 ta' Marzu 2012, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

(1)

Id-distanza mis-sit għall-fruntieri tal-eqreb Stati Membri hija ta' 37 km għall-Ungerija, 85 km għar-Repubblika Ċeka u 110 km għall-Awstrija.

(2)

Taħt kundizzjonijiet normali ta’ tħaddim, ir-rilaxx ta’ effluwenti likwidi u gassużi radjuattivi aktarx li ma jwassalx għall-esponiment tal-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor li huwa sinfikanti mill-aspett sanitarju.

(3)

Skart solidu b’radjuattività minn baxxa għal medja jiġi ttrattat fuq is-sit jew jintbagħat lejn il-faċilitajiet ta’ trattament tal-iskart awtorizzati fis-sit ta’ Bohunice qabel ma jiġi trasferit lejn ir-Repożitorju Nazzjonali tal-Iskart Radjuattiv. Elementi ta’ fjuwil użati u skart solidu ta’ livell għoli jinħażnu temporanjament fuq is-sit, bi stennija għad-disponibbiltà fil-futur ta' repożitorju ġeoloġiku ta' profondità kbira. M'hemmx ħsieb ta’ pproċessar mill-ġdid ta’ fjuwil użat.

(4)

Skart solidu jew materjali residwi li mhumiex radjuattivi, f’konformità ma’ livelli approvati, ser jiġu rilaxxati mill-kontroll regolatorju għar-rimi bħala skart konvenzjonali jew għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ. Dan għandu jitwettaq skont il-kriterji stipulati fl-Istandards Bażiċi ta’ Sigurtà (id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom).

(5)

Fil-każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jseħħu wara xi inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li aktarx jaslu għand il-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mill-aspett sanitarju.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni ta' pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv ikun f'liema forma jkun, li joriġina mill-Unitajiet 3 u 4 tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Mochovce (żewġ reatturi VVER 440/V-213), li jinsab fis-Slovakkja, kemm matul it-tħaddim normali kif ukoll f’każ ta’ inċident tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, mhijiex tali li tista’ twassal għal kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta' Stat Membru ieħor li tista' tkun sinifikanti mill-aspett sanitarju.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


5.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/2


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta’ Mejju 2012

li tirrigwarda l-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv mill-Faċilità tal-Estrazzjoni tal-Uranju tal-Minjiera ta’ Talvivaara, fil-Finlandja, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

2012/C 158/02

Il-valutazzjoni hawn taħt hija mwettqa skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Euratom, bla ħsara għal kwalunkwe valutazzjoni addizzjonali li trid titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u minn leġiżlazzjoni sekondarja.

Fil-15 ta' April 2011, f'konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern tal-Finlandja, Dejta Ġenerali li tirrigwarda l-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mill-Faċilità tal-Estrazzjoni tal-Uranju tal-Minjiera ta’ Talvivaara, fil-Finlandja.

Abbażi ta’ din id-dejta u ta’ tagħrif addizzjonali mitlub mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Ġunju 2011 u li l-awtoritajiet Finlandiżi pprovdew fit-12 u fis-27 ta’ Diċembru 2011, u wara li kkonsultat il-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni tagħha kif ġej:

1.

Id-distanza bejn is-sit u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ, l-Isvezja, hija ta' 280 km. L-eqreb pajjiż ġar huwa r-Russja b’distanza ta’ 96 km.

2.

Il-Faċilità tal-Estrazzjoni tal-Uranju mhix se tkun soġġetta għal awtorizzazzjoni ta' rilaxx fir-rigward ta' effluwenti radjuattivi likwidi. F’kundizzjonijiet ta’ tħaddim normali, ir-rilaxx ta’ effluwenti radjuattivi likwidi mhux se jseħħ.

3.

F’kundizzjonijiet ta' tħaddim normali, ir-rilaxx ta’ effluwenti radjuattivi mill-ajru ma jwassalx għal esponiment tal-popolazzjoni ta' Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż ġar li jkun sinifikanti mill-aspett sanitarju.

4.

F'każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jirriżultaw minn inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li x'aktarx jilħqu l-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż ġar ma jkunux sinifikanti mill-aspett sanitarju.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv ikun f'liema forma jkun, li joriġina mill-Faċilità tal-Estrazzjoni tal-Uranju tal-Minjiera ta’ Talvivaara, fil-Finlandja, kemm f’kundizzjonijiet ta’ tħaddim normali kif ukoll f’każ ta’ inċident tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, mhijiex tali li tista’ twassal għal kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiż ġar, li tista' tkun sinifikanti mill-aspett sanitarju.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

5.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/3


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-4 ta’ Ġunju 2012

2012/C 158/03

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2437

JPY

Yen Ġappuniż

97,16

DKK

Krona Daniża

7,4304

GBP

Lira Sterlina

0,80845

SEK

Krona Żvediża

9,0070

CHF

Frank Żvizzeru

1,2009

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,6030

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,733

HUF

Forint Ungeriż

303,06

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,6970

PLN

Zloty Pollakk

4,3990

RON

Leu Rumen

4,4730

TRY

Lira Turka

2,3024

AUD

Dollaru Awstraljan

1,2796

CAD

Dollaru Kanadiż

1,2923

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,6515

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6430

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6011

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 468,74

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

10,5957

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

7,9149

HRK

Kuna Kroata

7,5560

IDR

Rupiah Indoneżjan

11 730,51

MYR

Ringgit Malażjan

3,9802

PHP

Peso Filippin

54,046

RUB

Rouble Russu

41,8100

THB

Baht Tajlandiż

39,226

BRL

Real Brażiljan

2,5388

MXN

Peso Messikan

17,7016

INR

Rupi Indjan

69,2310


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


5.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/4


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji Gwida dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal wara l-2012

(SWD(2012) 130 final)

(SWD(2012) 131 final)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 158/04

WERREJ

INTRODUZZJONI

IL-POLITIKA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT U D-DIRETTIVA TAL-ETS

1.

MIŻURI SPEĊIFIĊI KOPERTI MINN DAWN IL-LINJI GWIDA

1.1.

Għajnuna għall-impriżi, f'setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju minħabba li l-kosti tal-kwoti tal-ETS tal-UE ttrasferiti fil-prezzijiet tal-elettriku (għajnuna għall-kosti indiretti tal-emissjonijiet)

1.2.

Għajnuna għall-investiment lil impjanti tal-enerġija b'effiċjenza għolja, inklużi impjanti ġodda tal-enerġija li huma lesti għall-qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju attrezzati għas-(CCS)

1.3.

L-għajnuna involuta fi kwoti bla ħlas tranżitorji fakultattivi għall-immodernizzar tal-ġenerazzjoni elettrika

1.4.

L-għajnuna li tirrigwarda installazzjonijiet żgħar u sptarijiet esklużi mill-ETS tal-UE

2.

L-AMBITU TAL-APPLIKAZZJONI U D-DEFINIZZJONIJIET

2.1.

L-ambitu tal-applikazzjoni ta' dawn il-Linji Gwida

2.2.

Definizzjonijiet

3.

MIŻURI TA’ GĦAJNUNA KOMPATIBBLI SKONT L-ARTIKOLU 107(3) TAT-TRATTAT

3.1.

Għajnuna għall-impriżi, f'setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju minħabba li l-kosti tal-kwoti tal-ETS tal-UE ttrasferiti fil-prezzijiet tal-elettriku (għajnuna għall-kosti indiretti tal-emissjonijiet)

3.2.

L-għanjuna għall-investiment lil impjanti tal-enerġija ġodda b'effiċjenza għolja, inklużi impjanti ġodda tal-enerġija li huma attrezzati għas-CCS ukoll

3.3.

L-għajnuna involuta fi kwoti bla ħlas tranżitorji fakultattivi għall-immodernizzar tal-ġenerazzjoni elettrika

3.4.

L-għajnuna li tirrigwarda installazzjonijiet żgħar u sptarijiet esklużi mill-ETS tal-UE

3.5.

Il-Proporzjonalità

4.

IL-KUMULU

5.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

5.1.

Rappurtar annwali

5.2.

It-Trasparenza

5.3.

Il-Monitoraġġ

5.4.

Il-perjodu ta' applikazzjoni u reviżjoni

ANNESS I

Definizzjonijiet

ANNESS II

Setturi u subsetturi meqjusa ex-ante li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju minħabba l-kosti indiretti tal-emissjonijiet

ANNESS III

Valuri referenzjarji għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku għall-prodotti koperti mill-kodiċi NACE fl-Anness II

ANNESS IV

Fatturi tal-emissjonijiet massimi reġjonali tas-CO2 f’żoni ġeografiċi differenti (tCO2/MWh)

INTRODUZZJONI

IL-POLITIKA TAL-GĦAJNUNA MILL-ISTAT U D-DIRETTIVA TAL-ETS

1.

Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 (1) stabbilixxiet skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni (l-ETS tal-UE), filwaqt li d-Direttiva 2009/29/KE (2) tejbet u estendiet l-ETS tal-UE b'effett mill-1 ta’ Jannar tal-2013. Id-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata (3), minn hawn 'il quddiem qiegħda tissejjaħ “id-Direttiva tal-ETS”. Id-Direttiva 2009/29/KE tagħmel parti minn pakkett leġiżlattiv li fih mizuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u b'użu baxx ta’ karbonju. Il-pakkett kien imfassal l-aktar biex tinkiseb il-mira ambjentali globali tal-Unjoni ta’ tnaqqis ta’ 20 % f'emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett serra meta mqabbel mal-1990 u 20 % mis-sehem ta’ enerġija rinnovabbli fil-konsum totali tal-enerġija tal-Unjoni sal-2020.

2.

Id-Direttiva dwar l-ETS tipprovdi għall-miżuri speċjali u temporanji li ġejjin fir-rigward ta' ċerti impriżi: għajnuna sabiex tiġi kkumpensata ż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku li jirriżultaw mill-inklużjoni tal-kosti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra minħabba l-ETS tal-UE (magħrufa b’mod komuni bħala “kosti indiretti tal-emissjonijiet”), għajnuna għall-investiment lil impjanti tal-enerġija effiċjenti ħafna, inklużi l-impjanti tal-enerġija ġodda li huma lesti għall-qbid u l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 (attrezzati għas-CCS), kwoti tranżitorji fakultattivi bla ħlas fis-settur tal-elettriku f'xi Stati Membri, u l-esklużjoni ta’ ċerti installazzjonijiet żgħar mill-ETS tal-UE jekk it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jistgħu jinkisbu barra l-qafas tal-ETS tal-UE b'inqas kosti amministrattivi.

3.

Il-miżuri speċjali u temporanji previsti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-ETS jinvolvu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 108 tat-Trattat, l-għajnuna mill-Istat trid tiġi nnotifikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u jista' jkun li ma tidħolx fis-seħħ qabel ma tiġi approvata mill-Kummissjoni.

4.

Sabiex jiżguraw it-trasparenza u ċ-ċertezza legali, dawn il-Linji gwida jispjegaw il-kriterji tal-kompatibbiltà li ser jiġu applikati għal dawn il-miżuri ta' għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema tal-kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra, kif ġew imtejba u estiżi mid-Direttiva 2009/29/KE.

5.

Skont it-test tal-bilanċ imfassal fl-aġġornament tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat tal-2005 (4), l-għan ewlieni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-ETS tal-UE huwa li jiġi żgurat li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat jirriżultaw f’livell akbar ta' tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra milli kieku kien iseħħ mingħajr l-għajnuna, u biex jiġi żgurat li l-effetti pożittivi tal-għajnuna jegħlbu lill-effetti negattivi tagħha f'termini ta' disorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern. L-għajnuna mill-Istat trid tkun neċessarja biex jinkiseb l-għan ambjentali tal-ETS tal-UE (neċessità tal-għajnuna) u trid tkun limitata għall-anqas ammont li jkun meħtieġ għall-kisba tal-protezzjoni ambjentali (il-proporzjonalità tal-għajnuna) mingħajr ma jinħolqu distorsjonijiet żejda fl-oqsma tal-kompetizzjoni u l-kummerċ tas-suq intern.

6.

Ladarba d-dispożizzjonijiet introdotti mid-Direttiva 2009/29/KE se jibdew japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2013, l-għajnuna mill-Istat ma tistax titqies meħtieġa sabiex jitnaqqas kwalunkwe piż li jirriżulta minn din id-Direttiva qabel din id-data. Bħala konsegwenza, il-miżuri koperti minn dawn il-Linji Gwida jistgħu jiġu awtorizzati biss għall-kosti imġarrba fl-1 ta' Jannar 2013 jew wara dik id-data, għajr għall-għajnuna involuta fil-kwoti bla ħlas tranżitorji fakultattivi għall-immodernar tal-ġenerazzjoni tal-elettriku (f'ċerti Stati Membri), li jistgħu jinkludu, skont ċerti kondizzjonijiet, investimenti li jkunu saru mill-25 ta' Ġunju 2009 inklużi fil-Pjan Nazzjonali.

1.   MIŻURI SPEĊIFIĊI KOPERTI MINN DAWN IL-LINJI GWIDA

1.1.   Għajnuna għall-impriżi, f'setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju minħabba li l-kosti tal-kwoti tal-ETS tal-UE ttrasferiti fil-prezzijiet tal-elettriku (għajnuna għall-kosti indiretti tal-emissjonijiet)

7.

Skont l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva tal-ETS, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat favur is-setturi jew is-subsetturi li jitqiesu li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju minħabba l-kosti relatati mal-emissjonijiet ta’ gass b'effett ta' serra ttrasferiti fil-prezzijiet tal-elettriku (minn hawn 'il quddiem “kosti indiretti tal-emissjonijiet”), sabiex jikkumpensaw għal dawk il-kosti skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, “ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju” tiddeskrivi l-prospettiva ta’ żieda fl-emissjonijiet ta’ gass b'effett ta' serra globali, meta l-kumpaniji jċaqalqu l-produzzjoni barra mill-Unjoni, għax ma jkunux jistgħu jittrasferixxu ż-żidiet tal-kosti kkawżati mill-ETS tal-UE lill-klijenti tagħhom mingħajr telf sinifikanti tas-sehem mis-suq.

8.

L-indirizzar tar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju għandu għan ambjentali, ġaladarba l-għajnuna jkollha l-għan li tiġi evitata żieda fl-emissjonijiet ta’ gass b'effett ta' serra minħabba ċ-ċaqliq tal-produzzjoni barra mill-Unjoni, fin-nuqqas ta’ ftehim internazzjonali li jorbot dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gass b'effett ta' serra. Fl-istess waqt, għajnuna għall-kosti indiretti tal-emissjonijiet jista’ jkollha impatt negattiv fuq l-effiċjenza tal-ETS tal-UE. Jekk ma jkollhiex għan preċiż, l-għajnuna sserraħ lill-benefiċjarji mill-kosti indiretti tal-emissjonijiet tagħhom, u b'hekk tkun qiegħda tillimita l-inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet u għall-innovazzjoni fis-settur. Bħala riżultat ta' dan, il-kosti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ikollhom jitħallsu prinċipalment minn setturi oħrajn tal-ekonomija. Barra minn hekk, tali għajnuna mill-Istat tista’ twassal għal distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq intern, b’mod partikulari meta impriżi fl-istess settur ikunu trattati b'mod differenti fi Stati Membri differenti minħabba restrizzjonijiet baġitarji differenti. Għaldaqstant, dawn il-Linji Gwida jeħtieġ li jindirizzaw tliet għanijiet speċifiċi: l-imminimizzar tar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju, iż-żamma tal-għan tal-ETS tal-UE għal dekorbanizzazzjoni kosteffiċjenti u tnaqqis tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

9.

Matul il-proċess ta’ adozzjoni tad-Direttiva 2009/29/KE, il-Kummissjoni ħarġet dikjarazzjoni (5) li tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin li biħsiebha tapplika fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat għall-kosti indiretti tal-emissjonijiet, sabiex tiġi evitata distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni.

10.

Il-Kummissjoni vvalutat, fil-livell tal-Unjoni, il-limitu sa fejn huwa possibbli għal settur jew subsettur li jittrasferixxi l-kosti indiretti tal-emissjonijiet fil-prezzijiet tal-prodotti, mingħajr telf sinifikanti tas-sehem mis-suq lil installazzjonijiet barra l-Unjoni b'effiċjenza fl-emissjonijiet tal-karbonju.

11.

L-ammont massimu ta' għajnuna li l-Istati Membri jistgħu jagħtu jrid jiġi kkalkulat skont formola li tikkunsidra l-installazzjoni tal-livelli ta' produzzjoni bażi jew il-livelli ta' konsum tal-elettriku bażi tal-installazzjoni kif definit f'dawn il-Linji Gwida, kif ukoll il-fattur ta' emissjonijiet tas-CO2 tal-elettriku pprovdut minn impjanti b'kombustjoni f'żoni ġeografiċi differenti. Fil-każ ta' kuntratti ta' forniment tal-elettriku li ma jinkludu l-ebda kosti tas-CO2, mhija ser tingħata l-ebda għajnuna mill-Istat. Il-formula tiżgura li l-għajnuna tkun proporzjonali u li żżomm l-inċentivi għall-effiċjenza tal-elettriku u li t-tranżizzjoni tal-elettriku tgħaddi minn dak “griż” għal dak “aħdar”, skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2009/29/KE.

12.

Barra minn hekk, sabiex jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet fis-suq intern u jinżamm l-għan tal-ETS tal-UE sabiex tinkiseb dekarbonizzazzjoni kosteffikaċi, l-għajnuna ma tistax tikkumpensa bis-sħiħ għall-kosti tal-EUAs fi prezzijiet tal-elettriku u trid titnaqqas biż-żmien. L-intensitajiet digressivi tal-għajnuna huma fundamentali fit-tħaddim tal-għajnuna mill-Istat sabiex tiġi evitata d-dipendenza fuq l-għajnuna. Barra minn hekk, dawn se jżommu kemm l-inċentivi fit-tul biex jiġu internalizzati għal kollox fl-ambjent estern, kif ukoll l-inċentivi fuq żmien qasir biex taqleb għall-ġenerazzjoni ta’ teknoloġiji li jarmu inqas CO2, filwaqt li jiġi enfasizzat il-karattru temporanju tal-għajnuna u jingħata kontribut għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.

1.2.   Għajnuna għall-investiment lil impjanti tal-enerġija b'effiċjenza għolja, inklużi impjanti ġodda tal-enerġija li huma lesti għall-qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju attrezzati għas-(CCS)

13.

Skont id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew (6) rigward l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva tal-ETS dwar l-użu ta' dħul iġġenerat mill-irkant tal-kwoti, bejn l-2013 u l-2016 l-Istati Membri jistgħu jużaw dan id-dħul biex jappoġġaw il-bini ta’ impjanti tal-enerġija b'effiċjenza għolja, inklużi impjanti ġodda tal-enerġija li huma lesti għall-qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju attrezzati għas-(CCS). Bħala minus għal din id-definizzjoni, skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/31/KE tat-23 ta' April 2009 il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju (7), l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-operaturi ta' impjanti ta' kombustjoni b'output elettriku li jkun ikklassifikat li jaqbeż it-300 MW jkunu vvalutaw ċerti kundizzjonijiet, jiġifieri, jekk ikunx hemm id-disponibbiltà ta' siti ta' ħżin adegwati, jekk il-faċilitajiet ta' trasport ikunux teknikament u ekonomikament vjabbli, u jekk ikunx teknikament u ekonomikament vjabbli li jiġu mmodifikati għall-qbid tas-CO2. Fejn il-valutazzjoni tkun waħda pożittiva, għandu jinstab spazju xieraq fis-sit tal-installazzjoni għat-tagħmir meħtieġ għall-qbid u l-kompressjoni tas-CO2  (8).

14.

Din l-għajnuna jeħtieġ li tfittex li żżid il-protezzjoni tal-ambjent li twassal għal anqas emissjonijiet tas-CO2 meta mqabbel mat-teknoloġija avvanzati u tiffoka fuq xi nuqqas tas-suq billi tħalli impatt sostanzjali fuq il-protezzjoni ambjentali. L-għajnuna trid tkun meħtieġa, għandu jkollha effett ta’ inċentiv u tkun proporzjonata. L-għajnuna għall-implimentazzjoni tas-CCS għall-qbid u ħżin ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta’ dawn il-Linji Gwida u diġà ġiet ivvalutata skont ir-regoli alternattivi eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat b'mod partikolari, il-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali (9).

15.

Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-għajnuna, l-intensitajiet massimi tal-għajnuna jridu ivarjaw skont iż-żieda tal-portezzjoni ambjentali u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 (l-għan tad-Direttiva tal-ETS) tal-impjant tal-enerġija l-ġdid. Għaldaqstant, il-bidu tal-implimentazzjoni tal-katina sħiħa tas-CCS (jiġifieri l-bini u l-bidu effettiv tal-qbid, it-trasport u l-ħżin tas-CO2) minn impjanti tal-enerġija ġodda qabel l-2020 għandha tiġi ppremjata meta mqabbel ma' impjanti tal-enerġija ġodda li jkunu attrezzati għas-CCS, iżda l-implimentazzjoni tas-CCS ma tistax tinbeda qabel l-2020. Barra minn hekk, meta jiġu kkunsidrati żewġ proġetti simili ta' impjanti tal-enerġija ġodda attrezzati għas-CCS, l-intensitajiet massimi permessibbli tal-għajnuna għandhom ikunu ogħla għal proġetti magħżula fi proċess ta' irkant tassew kompetittiv ibbażat fuq kriterji ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji, li jiżgura b'mod effettiv li l-għajnuna tiġi limitata għall-minimu neċessarju u tiffavorixxi l-kompetizzjoni fis-suq tal-ġenerazzjoni tal-elettriku. F'dawn iċ-ċirkostanzi, wieħed jista' jassumi li l-offerti rispettivi jirriflettu l-benefiċċji kollha possibbli li jistgħu joħorġu mill-investiment addizzjonali.

1.3.   L-għajnuna involuta fi kwoti bla ħlas tranżitorji fakultattivi għall-immodernizzar tal-ġenerazzjoni elettrika

16.

Skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva tal-ETS, l-Istati Membri li jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet relatati mal-interkonnettività tan-netwerk tal-elettriku nazzjonali tagħhom jew mas-sehem ta’ karburanti fossili tagħhom fil-ġenerazzjoni elettrika u mal-livell tal-PDG minn ras għal ras meta mqabbel mal-medja tal-Unjoni, għandhom l-għażla li temporanjament jiddevjaw mill-prinċipju ta’ rkant komplet u jagħtu kwoti mingħajr ħlas lill-ġeneraturi tal-elettriku li kienu joperaw sal-31 ta' Diċembru 2008 jew lill-ġeneraturi tal-elettriku li għalihom il-proċess ta’ modernizzazzjoni kien fiżikament mibdi sal-31 ta’ Diċembru 2008. Bi skambju għall-għoti ta’ kwoti bla ħlas lill-ġeneraturi tal-enerġija, Stati Membri eleġibbli jridu jippreżentaw pjan nazzjonali ta’ investiment (“Pjan Nazzjonali”) li jiddeskrivi l-investimenti meħuda mir-riċevituri tal-kwoti bla ħlas jew minn operaturi oħra għall-modifika u għat-titjib tal-infrastruttura, għat-teknoloġiji ndaf għad-diversifikazzjoni tat-taħlit tal-enerġija u s-sorsi tal-provvista tagħhom.

17.

Dik id-deroga mill-prinċipju ta' irkant sħiħ permezz tal-għoti ta' kwoti tranżitorji mingħajr ħlas tinvolvi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, għaliex meta jagħtu konċessjonijiet mingħajr ħlas u jagħtu vantaġġ selettiv lil ġeneraturi tal-enerġija, l-Stati Membri jkunu qegħdin jiċċaħħdu minn dħul. Il-ġeneraturi tal-enerġija jistgħu jikkompetu ma' ġeneraturi tal-enerġija fi Stati Membri oħrajn. B'konsegwenza, dan il-fatt jista' joħloq distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni tal-kompetizzjoni u jħalli effetti fuq is-suq intern. L-għajnuna mill-Istat hija involuta wkoll fil-livell tal-investimenti fejn ir-riċevituri tal-kwoti bla ħlas se jeħduhom b'kost imraħħas.

1.4.   L-għajnuna li tirrigwarda installazzjonijiet żgħar u sptarijiet esklużi mill-ETS tal-UE

18.

Skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva tal-ETS, l-Istati Membri jistgħu jeskludu installazzjonijiet żgħar u sptarijiet mill-ETS tal-UE, sakemm dawn ikunu soġġetti għal miżuri li jiksbu tnaqqis ekwivalenti tal-emissjonijiet ta’ gass b'effett ta' serra. L-Istati Membri jistgħu jipproponu miżuri li japplikaw għal installazzjonijiet żgħar u sptarijiet li se jiksbu kontribut għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ekwivalenti għal dawk miksuba mill-ETS tal-UE. Dik il-possibbiltà li teskludihom mill-ETS tal-UE hija maħsuba biex toffri l-gwadann massimu, f'termini ta' tnaqqis tal-kosti amministrattivi għal kull tunnellata ekwivalenti ta’ CO2 eskluża mill-ETS.

19.

L-esklużjoni tal-installazzjonijiet żgħar u tal-sptarijiet mill-ETS tal-UE tista’ tinvolvi għajnuna mill-Istat. L-Istati Membri għandhom marġini wiesa’ ta' diskrezzjoni dwar id-deċiżjoni jekk jeskludux l-installazzjonijiet żgħar mill-ETS tal-UE u, jekk dan huwa minnu, liema tip ta' installazzjoni jeskludu u liema tip ta' miżuri għandhom jitolbu. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-miżuri imposti mill-Istati Membri jistgħu jammontaw għal vantaġġ ekonomiku favur xi installazzjonijiet żgħar jew sptarijiet esklużi mill-ETS tal-UE, li x'aktarx jikkawża distorsjoni, jew jhedded li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ fis-suq intern.

2.   L-AMBITU TAL-APPLIKAZZJONI U D-DEFINIZZJONIJIET

2.1.   L-ambitu tal-applikazzjoni ta' dawn il-Linji Gwida

20.

Dawn il-Linji Gwida japplikaw biss għall-miżuri ta' għajnuna speċifiċi pprovduti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-ETS. Il-Linji Gwida tal-Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali (10) ma japplikawx għal dawn il-miżuri.

2.2.   Definizzjonijiet

21.

Għall-finijiet ta' dawn il-Linji Gwida se japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

3.   MIŻURI TA’ GĦAJNUNA KOMPATIBBLI SKONT L-ARTIKOLU 107(3) TAT-TRATTAT

22.

L-għajnuna mill-Istat tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat jekk din twassal għal żieda fil-protezzjoni ambjentali (tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra) mingħajr ma taffettwa b'mod negattiv il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sal-punt li jkunu kontra l-interess komuni. Fil-valutazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tibbilanċja l-impatt pożittiv tal-miżura ta’ għajnuna meta tikseb għan ta’ interess komuni kontra l-effetti potenzjalment negattivi tagħha, bħad-distorsjoni tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni. Għal din ir-raġuni, it-tul ta' żmien tal-iskemi ta' għajnuna ma jistax ikun itwal mid-data sa meta japplikaw dawn il-Linji gwida. Dan bla ħsara għall-possibbiltà li Stat Membru jinnotifika mill-ġdid miżura li tkun testendi lil hinn miż-żmien li jkun stabbilit mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-iskema ta' għajnuna.

3.1.   Għajnuna għall-impriżi, f'setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju minħabba li l-kosti tal-kwoti tal-ETS tal-UE ttrasferiti fil-prezzijiet tal-elettriku (għajnuna għall-kosti indiretti tal-emissjonijiet)

23.

Għas-setturi u s-subsetturi elenkati fl-Anness II, l-għajnuna bħala kumpens għall-kosti tal-konċessjonijiet tal-ETS tal-UE u li tingħadda fil-prezzijiet tal-elettriku minħabba fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-ETS u li tiġi mġarrba sal-1 ta' Jannar tal-2013, ser titqies kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stabbiliti f’din it-taqsima.

L-objettiv u l-ħtieġa tal-għajnuna

24.

Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, l-objettiv ta' din l-għajnuna huwa li jipprevjeni riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju, minħabba l-kosti tal-UEK ittrasferiti fil-prezzijiet tal-elettriku, jekk il-kompetituri minn pajjiżi terzi tiegħu ma jġarrbux kosti simili tas-CO2 fil-kosti tal-elettriku tagħhom u l-benefiċjarju ma jkunx kapaċi jittrasferixxi dawn il-kosti fil-prezzijiet tal-prodott mingħajr ma jintilfu sehem mis-suq.

25.

Għall-finijiet ta' dawn il-Linji gwida, jitqies li jeżisti riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju biss jekk il-benefiċjarju jkun attiv f'settur jew subsettur elenkat fl-Anness II.

L-intensità massima tal-għajnuna

26.

L-intensità tal-għajnuna ma tridx taqbeż il-85 % tal-kosti mġarrba fl-2013, fl-2014 u fl-2015, 80 % tal-kosti mġarrba fl-2016, fl-2017 u fl-2018, 75 % tal-kosti mġarrba fl-2019 u fl-2020.

Kalkolu tal-ammont massimu tal-għajnuna

27.

L-għajnuna massima li tista’ titħallas lil kull installazzjoni għall-manifattura ta' prodotti fis-setturi u s-subsetturi elenkati fl-Anness II trid tiġi kkalkulata skont il-formula li jmiss:

(a)

Fejn il-valuri referenzjarji għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku elenkati fl-Anness III huma applikabbli għall-prodotti mmanifatturati mill-benefiċjarju, l-għajnuna massima li tista’ titħallas għal kull installazzjoni għal kosti mġarrba fis-sena t tammonta għal:

Amaxt = Ait × Ct × Pt-1 × E × BO

F'din il-formola, Ait hija l-intensità tal-għajnuna fis-sena t, espressa bħala frazzjoni (pereżempju 0,8); Ct huwa l-fattur ta’ emissjoni tas-CO2 (tCO2/MWh) (fis-sena t); Pt-1 huwa l-prezz bil-quddiem tal-UEK fis-sena t-1 (EUR/tCO2); E hija aplikabbli. Valur referenzjali għall-għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku għal prodott speċifiku definit fl-Anness III; u BO huwa l-Linja ta' Bażi tal-output. Dawn il-kunċetti huma ddefiniti fl-Anness I.

(b)

Fejn il-valuri referenzjarji għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku elenkati fl-Anness III ma jkunux applikabbli għall-prodotti mmanifatturati mill-benefiċjarju, l-għajnuna massima li tista’ titħallas għal kull installazzjoni għal kosti mġarrba fis-sena t tammonta hija:

Amaxt = Ait × Ct × Pt-1 × EF × BEC

F'din il-formola, Ait hija l-intensità tal-għajnuna fis-sena t, espressa bħala frazzjoni (pereżempju 0,8); Ct huwa l-fattur ta’ emissjoni tas-CO2 (tCO2/MWh) (fis-sena t); Pt-1 huwa l-prezz bil-quddiem tal-UEK fis-sena t-1 (EUR/tCO2); EF huwa l-valur referenzjarju alternattiv għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku; u BEC huwa l-linja bażi tal-konsum tal-elettriku (MWh). Dawn il-kunċetti huma ddefiniti fl-Anness I.

28.

Jekk installazzjoni timmanifattura prodotti li għalihom huwa applikabbli valur referenzjarju għall-effiċjenza tal-konsum tal-elettriku elenkat fl-Anness III u prodotti li għalihom huwa applikabbli valur referenzjarju alternattiv għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku, il-konsum tal-elettriku għal kull prodott irid jinqasam skont tunnellaġġ rispettiv tal-produzzjoni ta’ kull prodott.

29.

Jekk installazzjoni timmanifattura prodotti li jkunu eliġibbli għal għajnuna (jiġifieri li jkunu jaqgħu fl-ambitu tas-setturi jew subsetturi eliġibbli elenkati fl-Anness II) u prodotti li ma jkunux eleġibbli għal għajnuna, l-ammont massimu ta' għajnuna li jista' jitħallas għandu jiġi kkalkulat biss għall-prodotti li jkunu eliġibbli għall-għajnuna.

30.

L-għajnuna tista’ titħallas lill-benefiċjaru fis-sena li jkunu ġġarrbu l-kosti jew fis-sena ta' wara. Jekk għajnuna titħallas fis-sena ta’ meta jkunu ħarġu l-kosti, jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmu ta’ aġġustament għall-ħlasijiet ex-post sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe ħlas għall-għajnuna żejjed jitħallas lura qabel l-1 ta’ Lulju fis-sena ta' wara.

L-effett ta' inċentiv

31.

Ir-rekwiżit ta' effett ta' inċentiv jitqies li jkun ġie ssodisfat jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha fit-Taqsima 3.1.

3.2.   L-għanjuna għall-investiment lil impjanti tal-enerġija ġodda b'effiċjenza għolja, inklużi impjanti ġodda tal-enerġija li huma attrezzati għas-CCS ukoll

32.

L-għajnuna għall-investiment mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2016 għal impjanti ġodda tal-enerġija b'effiċjenza għolja se titqies kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti f'din it-Taqsima.

33.

L-għajnuna għal investiment lil impjanti tal-enerġija b'effiċjenza għolja tista' tingħata biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-impjant ġdid tal-elettriku b'effiċjenza għolja jaqbeż il-valur ta' referenza armonizzat tal-effiċjenza tal-impjanti tal-enerġija stipulat fl-Anness I għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/877/KE tad-19 ta' Diċembru tal-2011 tistabbilixxi valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata ta’ elettriku u sħana bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jew il-valur ta' referenza relevanti b'rabta mal-effiċjenza li jkun fis-seħħ meta tingħata l-għajnuna. Impjanti tal-enerġija ġodda u effiċjenti ħafna li jikkonformaw ma' dawk il-valuri ta' referenza tal-effiċjenza biss ma għandhomx ikunu eliġibbli għal għajnuna; u

(b)

id-deċiżjoni ta' approvazzjoni tal-awtorità li tagħti l-għajnuna tittieħed bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2016.

L-objettiv u l-ħtieġa tal-għajnuna

34.

L-Istati Membri jridu juru li l-għan qiegħed jiffoka fuq nuqqas fis-suq billi jkollu impatt sostanzjali fuq il-protezzjoni ambjentali. L-għajnuna jrid jkollha effett ta’ inċentiv li tirriżulta fil-bidla tal-imġiba tal-benefiċjarju li ħa l-għajnuna; dan l-effett ta' inċentiv għandu jiġi ppruvat permezz ta' xenarju kontrofattwali fejn tiġi pprovduta evidenza li mingħajr l-għajnuna l-benefiċjarju ma kienx se jidħol għall-investiment. Barra minn hekk, il-proġett li jingħata l-għajnuna ma jkunx jista' jibda qabel ma ssir is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-għajnuna. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri għandhom jagħtu prova li l-għajnuna ma tolqotx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ negattivament sa punt fejn tkun tmur kontra l-interess komuni, partikolarment fejn l-għajnuna tkun ikkonċentrata fuq għadd limitat ta' benefiċjarji jew fejn l-għajnuna x'aktarx li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-benefiċarji fis-suq (fil-livell ta' grupp ta' kumpanija).

Il-kosti eliġibbli

35.

Il-kosti eliġibbli se jkunu limitati għall-kosti totali ta’ investiment fl-installazzjoni l-ġdida (asso tanġibbli u intanġibbli), li huma strettament meħtieġa għall-bini tal-impjant tal-enerġija l-ġdid. Barra minn hekk, fil-każ tal-bini ta' impjant tal-enerġija attrezzat għas-CCS, il-kosti biex tingħata prova tal-fattibbiltà ekonomika u teknika globali tal-implimentazzjoni ta' katina sħiħa tas-CCS ser ikunu eliġibbli. Il-kosti tal-installament ta' tagħmir tal-qbid, it-trasport u l-ħżin mhumiex ser ikunu kosti eliġibbli skont dawn il-Linji gwida, għaliex l-għajnuna għall-implimentazzjoni tas-CCS diġà hija vvalutata skont il-Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali.

L-intensitajiet massimi tal-għajnuna

36.

Għal impjanti ġodda tal-enerġija b'effiċjenza għolja li huma attrezzati għas-CCS u li jibdew l-implimentazzjoni tal-katina sħiħa tas-CCS qabel l-2020, l-għajnuna ma tistax taqbeż il-15 % tal-kosti eliġibbli.

37.

Għal impjanti ġodda tal-enerġija b'effiċjenza għolja li huma attrezzati għas-CCS, iżda li ma jibdewx jimplimentaw il-katina sħiħa tas-CCS qabel l-2020, u li tingħatalhom għajnuna wara proċess ta’ offerti ġenwinament kompetittiv li jippromwovi (i) l-aktar teknoloġiji ekoloġiċi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fl-impjanti ġodda li jirriżultaw f'emissjonijiet aktar baxxi tas-CO2 mqabbla mal-aktar teknoloġija avvanzata, u (ii) il-kompetizzjoni fis-suq tal-ġenerazzjoni elettrika, l-għajnuna ma tistax taqbeż l-10 % tal-kosti eliġibbli. Proċess ta’ offerti ta' dan it-tip irid ikun ibbażat fuq kriterji ċari, trasparenti u mhux diskriminatorji u jwassal għall-parteċipazzjoni ta’ għadd suffiċjenti ta' impriżi. Barra minn hekk, il-baġit relatat mal-proċess ta’ offerti jrid ikun restrizzjoni li torbot, fis-sens li mhux il-parteċipanti kollha jistgħu jirċievu għajnuna.

38.

L-għajnuna ma tistax taqbeż il-5 % tal-kosti eliġibbli għal dawk l-impjanti tal-enerġija ġodda b'effiċjenza għolja li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-punt 36 u 37 ta' hawn fuq.

39.

Fil-każ li l-implimentazzjoni tal-katina tas-CCS ma tibdiex qabel l-2020, l-għajnuna għandha titnaqqas b'5 % tal-kosti eliġibbli tal-investimenti, jew għal 10 % jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Taqsima 3.2, paragrafu 37. Fil-każ ta' pagament tal-għajnuna bil-quddiem, l-Istati Membri għandhom jieħdu lura l-ammont li jkun qabeż il-limitu tal-għajnuna.

3.3.   L-għajnuna involuta fi kwoti bla ħlas tranżitorji fakultattivi għall-immodernizzar tal-ġenerazzjoni elettrika

40.

Mill-1 ta' Jannar 2013 sal-31 ta' Diċembru 2019, l-għajnuna mill-Istat involuta fi kwoti bla ħlas tranżitorji u fakultattivi għall-immodernar tal-ġenerazzjoni elettrika u għall-investimenti inklużi fil-Pjanijiet Nazzjonali, skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva tal-ETS, se titqies kompatibbli mas-suq intern fit-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-kwota bla ħlas tranżitorja tingħata skont l-Artikolu 10c tad-Direttiva tal-ETS u skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-dwida fuq il-metodoloġija biex talloka kwoti mingħajr ħlas b’mod tranżitorju lil installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-elettriku skont l-Artikolu 10c(3) tad-Direttiva tal-ETS (12) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni fakultattiva tal-Artikolu 10c tad-Direttiva tal-ETS (13);

(b)

il-Pjan Nazzjonali jsegwi għan ta' interess komuni, bħal żieda fil-protezzjoni ambjentali, fid-dawl tal-għanijiet ġenerali tad-Direttiva tal-ETS;

(c)

il-Pjan Nazzjonali jinkludi investimenti għall-adattament fi stadju aktar tard wara u l-aġġornament tal-infrastruttura, f'teknoloġiji ġodda u fid-diversifikazzjoni tat-taħlita tal-enerġija u l-għejun ta' provvista skont id-Direttva tal-ETS u li sar wara l-25 ta' Ġunju tal-2009;

(d)

il-valur tas-suq (fil-livell ta' gruppi ta’ kumpaniji) tal-kwoti bla ħlas matul il-perjodu kollu tal-allokazzjoni (ikkalkulat skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Marzu 2011 (14) jew id-dokument ta' gwida relevanti applikabbli meta tingħata l-għajnuna) ma jaqbiżx il-kosti totali għall-investimenti li daħal għalihom ir-riċevitur tal-kwoti bla ħlas (fil-livell ta' gruppi ta’ kumpaniji). Jekk il-kosti totali tal-investiment ikunu anqas mill-valur tas-suq tal-kwoti jew ir-riċevitur tal-kwoti mingħajr ħlas ma jwettaq ebda investiment li jkun eliġibbli skont il-Pjan Nazzjonali, ir-riċevitur tal-kwoti mingħajr ħlas jrid jittrasferixxi d-differenza lil mekkaniżmu li jiffinanzja investiment ieħor li jkun eliġibbli skont il-Pjan Nazzjonali, u

(e)

l-għajnuna ma tolqotx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ negattivament sal-punt fejn tkun tmur kontra l-interess komuni, partikolarment fejn l-għajnuna tkun ikkonċentrata fuq għadd limitat ta' benefiċjarji jew fejn l-għajnuna x'aktarx li ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-benefiċarji fis-suq (fil-livell ta' grupp ta' kumpanija).

L-effett ta' inċentiv

L-effett ta' inċentiv jitqies li jkun ġie ssodisfat fir-rigward ta' investimenti li jsiru mill-25 ta' Ġunju tal-2009 'il quddiem.

Il-kosti eliġibbli

41.

Il-kosti eliġibbli jridu jkunu limitati għall-kosti totali tal-investiment (assi tanġibbli u intanġibbli) elenkati fil-Pjan Nazzjonali li jikkorrispondu għall-valur tas-suq ta’ kwoti bla ħlas (kkalkulati skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Marzu 2011 (15) jew id-dokument ta' gwida relevanti applikabbli meta tingħata l-għajnuna) mogħtija lil kull benefiċjarju, irrispettivament mill-kosti operattivi u mill-benefiċċji għall-installazzjoni li tikkorrispondi.

L-intensità massima tal-għajnuna

42.

L-għajnuna ma tistax taqbeż l-100 % tal-kosti eliġibbli.

3.4.   L-għajnuna li tirrigwarda installazzjonijiet żgħar u sptarijiet esklużi mill-ETS tal-UE

43.

L-għajnuna involuta fl-esklużjoni ta' installazzjonijiet żgħar jew sptarijiet eżentati mill-ETS tal-UE mill-1 ta' Jannar 2013 se titqies kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat sakemm l-installazzjonijiet żgħar jew l-isptarijiet ikunu suġġetti għal miżuri ekwivalenti li jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass b'effett ta' serra skont it-tifsira tal-Artikolu 27 tad-Direttiva tal-ETS u sakemm dak l-Istat Membru jkun konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 27 tad-Direttiva tal-ETS.

L-effett ta' inċentiv

44.

Ir-rekwiżit ta' effett ta' inċentiv jitqies li jkun ġie ssodisfat jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha fit-Taqsima 3.4.

3.5.   Il-Proporzjonalità

45.

L-Istati Membri jridu juru li l-ammont tal-għajnuna li jingħata lill-benefiċjarju jkun limitat għall-minimu li jkun meħtieġ. B'mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna f'intensitajiet aktar baxxi minn dawk imsemmija fil-Linji Gwida.

4.   IL-KUMULU

46.

L-ammonti massimi ta’ għajnuna stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida ma jistgħux jinqabżu irrispettivament minn jekk l-appoġġ huwiex iffinanzjat kompletament minn riżorsi tal-Istat jew jekk huwiex parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni.

47.

L-għajnuna meqjusa kompatibbli taħt dawn il-Linji Gwida ma tistax tiġi kkombinata ma’ għajnuna oħra mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat jew ma’ forom oħra ta’ finanzjament mill-Unjoni jekk tali kombinazzjoni tirriżulta f'intensità ta’ għajnuna ogħla minn dik stabbilita f'dawn il-Linji Gwida. Madankollu, fejn in-nefqa eliġibbli għal għajnuna għal miżuri koperti minn dawn il-Linji Gwida tkun eliġibbli, kollha kemm hi jew parti minnha, għal għajnuna għal għanijiet oħra, il-porzjon komuni jkun soġġett għall-massimu tal-għajnuna l-aktar favorevoli taħt ir-regoli applikabbli.

5.   DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

5.1.   Rappurtar annwali

48.

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (16) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 (17) li jimplementa r-Regolament (KE) Nru 659/1999, l-Istati Membri jridu jissottomettu rapporti annwali lill-Kummissjoni.

49.

Lil hinn mir-rekwiżiti stipulati f'dawn ir-Regolamenti, ir-rapporti annwali għall-miżuri ta' għajnuna ambjentali jrid ikollhom informazzjoni addizzjonali dwar l-iskemi rispettivi approvati. B'mod partikolari, fir-rapporti annwali tagħhom l-Istati Membri għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

l-ismijiet tal-benefiċjarju u l-installazzjonijiet tiegħu li jkunu ser jirċievu għajnuna,

is-settur(i) jew subsettur(i) fejn il-benefiċjarju huwa attiv,

is-sena li għaliha l-għajnuna tkun qiegħda titħallas u s-sena li fiha qiegħda titħallas,

il-linja bażi tal-output għal kull installazzjoni megħjuna fis-(sub)settur pertinenti,

l-estensjonijiet sinifikanti tal-kapaċità jew it-tnaqqis, fejn ikun relevanti,

il-produzzjoni annwali għal kull installazzjoni megħjuna fis-(sub)settur pertinenti għal kull sena użata biex tiġi ddeterminata l-linja bażi tal-output,

il-produzzjoni annwali għal kull installazzjoni megħjuna fis-(sub)settur pertinenti għas-sena li l-għajnuna qiegħda titħallas,

il-produzzjoni annwali ta’ prodotti manifatturati oħrajn minn kull installazzjoni megħjuna li ma jkunux koperti b'valuri referenzjarji għall-effiċjenza tal-konsum tal-elettriku għal kull waħda mis-snin użati biex tiġi determinata l-linja bażi tal-output (jekk l-għajnuna tingħata permezz ta’ valur referenzjarju alternattiv għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku),

il-linja bażi tal-konsum tal-elettriku għal kull installazzjoni megħjuna (jekk l-għajnuna tingħata permezz ta' valur referenzjarju alternattiv għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku),

il-konsum annwali tal-elettriku għal kull waħda mis-snin użati biex jiġu determinati l-linji bażi tal-konsum tal-elettriku (jekk qed tingħata xi għajnuna bl-użu ta’ valur referenzjarju alternattiv għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku),

il-konsum annwali tal-elettriku tal-installazzjoni għas-sena li għaliha titħallas l-għajnuna (jekk l-għajnuna tingħata permezz ta’ valur referenzjarju alternattiv għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku),

il-prezz bil-quddiem tal-UEK użat biex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ għajnuna għal kull benefiċjarju,

l-intensità tal-għajnuna,

il-fattur taemissjonijiet tas-CO2 nazzjonali.

50.

Il-Kummissjoni se twettaq monitoraġġ regolari tal-għajnuna li tingħata lil impriżi f'setturi u subsetturi meqjusa bħala esposti għal riskju sinifikanti ta' emissjonijiet ta' karbonju minħabba kosti ta' kwoti tal-ETS tal-UE li jingħaddew fil-prezzijiet tal-elettriku deskritti fit-Taqsima 3.1. Permezz ta dan, hija taġġorna l-informazzjoni tagħha dwar id-daqs tal-kost indirett li jingħadda u l-konsegwenzi possibbli tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

51.

Fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija lil impjanti ġodda tal-enerġija b'effiċjenza għolja, inklużi dawk attrezzati għas-CCS, l-Istati Membri jridu jinkludu fir-rapporti annwali tagħhom l-informazzjoni li ġejja:

l-ismijiet tal-benefiċjarji,

l-ammont ta’ għajnuna għal kull benefiċjarju,

l-intensità tal-għajnuna,

il-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet fit-Taqsima 3.2, paragrafu 32 dwar iż-żmien għall-għoti tal-għajnuna,

il-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet fit-taqsima 3.2, paragrafu 36 dwar il-bidu tal-implimentazzjoni ta' katina sħiħa tas-CCS qabel l-2020.

5.2.   It-Trasparenza

52.

Il-Kummissjoni tqis li miżuri ulterjuri huma meħtieġa sabiex titjieb it-trasparenza tal-għajnuna mill-Istat fl-Unjoni. B'mod partikolari, irid jiġi żgurat li l-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi, il-partijiet interessati u l-Kummissjoni jkollhom aċċess faċli għat-test sħiħ dwar l-iskemi applikabbli kollha ta’ għajnuna ambjentali.

53.

Dan il-għan jista’ jinkiseb permezz tal-istabbiliment ta’ websajts. Għal dik ir-raġuni, fil-valutazzjoni tal-iskemi ta' għajnuna, il-Kummissjoni se titlob b'mod sistematiku lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jippubblika t-test sħiħ tal-iskemi finali kollha ta’ għajnuna fuq l-internet u biex jikkomunika l-indirizz tal-internet tal-pubblikazzjoni lill-Kummissjoni.

5.3.   Il-Monitoraġġ

54.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekords dettaljati li jirrigwardjaw l-għoti tal-għajnuna għall-miżuri kollha huma miżmuma. Tali rekords, li jridu jinkludu l-informazzjoni kollha neċessarja biex jiġi stabbilit li l-kondizzjonijiet li jirrigwardaw il-kosti eliġibbli u l-intensità massima ta’ għajnuna permissibbli jkunu ġew osservati, jridu jinżammu għal 10 snin mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna u jridu jiġu pprovduti lill-Kummissjoni meta din titlobhom.

5.4.   Il-perjodu ta' applikazzjoni u reviżjoni

55.

Il-Kummissjoni ser tapplika dawn il-Linji Gwida mill-ewwel jum wara l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

56.

Il-Linji Gwida jkunu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2020. Wara li tikkonsulta mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ temendahom qabel dik id-data fuq il-bażi ta' konsiderazzjonijiet importanti dwar il-politika tal-kompetizzjoni jew dwar il-politika ambjentali, jew sabiex tqis politiki tal-Unjoni oħrajn jew impenji internazzjonali. Tali emendi jistgħu jkunu meħtieġa b’mod partikolari fid-dawl ta' ftehimiet internazzjonli futuri fil-qasam tat-tibdil fil-klima, u l-leġiżlazzjoni futura dwar it-tibdil fil-klima ġewwa l-Unjoni. Il-Kummissjoni tista’ twettaq reviżjoni ta' dawn il-Linji Gwida kull sentejn wara l-adozzjoni tagħhom.

57.

Il-Kummissjoni se tapplika dawn il-Linji Gwida għall-miżuri kollha ta’ għajnuna nnotifikata li dwarhom hija tkun mitluba tieħu deċiżjoni wara li l-Linji Gwida jkunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali, anke meta l-proġetti jkunu ġew innotifikati qabel il-pubblikazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni ser tapplika r-regoli stabbiliti fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta' għajnuna illegali mill-Istat (18) għal kull għajnuna illegali.


(1)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(2)  Id-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta’ kwoti ta' emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63).

(3)  Id-Direttiva 2004/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru tal-2004 (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 18); Id-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru tal-2008, ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3; Ir-Regolament (KE) 219/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu tal-2009 (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 109).

(4)  Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat – Anqas għajnuna mill-Istat iżda mmirata aħjar: pjan direzzjonali dwar ir-riforma tal-għajnuna mill-Istat 2005-2009, COM(2005) 107 finali, 7.6.2005.

(5)  L-Anness II għall-Anness 15713/1/08REV1 it-18 ta’ Novembru 2008 (25.11) http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P6-TA-2008-0610&format=XML&language=EN

(6)  Addendum għal “I/A” Nota mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għal COREPER/KUNSILL 8033/09 ADD 1 REV 1 tal-31 ta’ Marzu 2009.

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/31/KE tat-23 ta’ April 2009 u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140 5.6.2009, p. 114).

(8)  ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1

(9)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 8.

(10)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 8.

(11)  ĠU L 343, 23.12.2011, p. 91.

(12)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Marzu 2011 dwar gwida relatata mal-metodoloġija biex talloka kwoti mingħajr ħlas b’mod tranżitorju lil installazzjonijiet tal-produzzjoni tal-elettriku skont l-Artikolu 10c(3) tad-Direttiva 2003/87/KEE(2011) 1983 finali, 29.3.2011.

(13)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Dokument ta’ Gwida dwar l-applikazzjoni fakultattiva tal-Artikolu 10c tad-Direttiva 2003/87/KE (ĠU C 99, 31.3.2011, p. 9).

(14)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 13.

(15)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 13.

(16)  ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.

(17)  ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.

(18)  ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22.


ANNESS I

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:

“għajnuna” tfisser kwalunkwe miżura li tissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat;

“perjodu għall-għotja ta’ għajnuna” jfisser sena jew aktar snin, fil-perjodu 2013-2020. Jekk Stat Membru jixtieq jagħti għajnuna korrispondenti għal perjodu iqsar, għandu jieħu bħala referenza sena kummerċjali tal-benefiċjarji u jagħti għajnuna fuq bażi annwali;

“intensità massima tal-għajnuna” tfisser l-ammont totali ta' għajnuna espress bħala perċentwali tal-kosti eliġibbli. Iċ-ċifri kollha użati jridu jittieħdu qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ħlas ieħor. Fejn l-għajnuna tingħata f'forma oħra barra milli bħala għotja, l-ammont ta' għajnuna jrid jkun l-ekwivalenti għall-għotja ta’ għajnuna f’termini ta’ valur. Għajnuna pagabbli f'diversi pagamenti għandha tiġi kkalkulata fil-valur preżenti nett totali tagħha fil-mument li jingħata l-ewwel pagament, bl-użu tar-rata ta' referenza relevanti tal-Kummissjoni għall-iskontar tal-valur matul iż-żmien. L-intensità tal-għajnuna hija kkalkulata għal kull benefiċjarju;

“awtoġenerazzjoni” tfisser il-ġenerazzjoni elettrika minn installazzjoni li ma tikkwalifikax bħala “ġeneratur tal-elettriku” skont it-tifsira tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87/KE;

“benefiċjarju” tfisser impriża li tirċievi l-għajnuna;

“attrezzat għas-CCS” tfisser li installazzjoni wriet li siti adatti għall-ħżin huma disponibbli, li faċilitajiet tat-trasport huma teknikament u ekonomikament possibbli u li huwa teknikament u ekonomikament possibbli li jiġi modifikat għall-ġbir tas-CO2, hekk kif inċentivi suffiċjenti fis-suq fl-għamla ta’ limitu ta' prezz tas-CO2 jintlaħqu. B'mod partikolari, attrezzat għas-CCS teħtieġ:

Prova tal-possibbiltà li t-tagħmir jista’ jiġi mmodifikat għall-qbid tas-CO2. Għandu jsir studju tekniku speċifiku għas-sit li juri f’biżżejjed dettall ta’ inġinerija li l-faċilità hija teknikament kapaċi għat-tagħmir li jista’ jiġi mmodifikat kompletament għall-qbid tas-CO2, b’rata ta' qbid jew 85 % jew aktar, bl-użu ta' waħda jew aktar mit-tipi ta' teknoloġija li jkunu ppruvati qabel, jew li l-prestazzjoni tagħhom tista' tiġi stmata b'mod affidabbli bħala adatta;

Il-kontroll tal-ispazju addizzjonali suffiċjenti fis-sit li fih it-tagħmir għall-qbid għandu jiġi installat.

L-identifikazzjoni ta’ pipeline, jew aktar, teknikament u ekonomikament possibbli, jew rotta/rotot oħra tat-trasport għall-ħżin ġeoloġiku sikur tas-CO2;

L-identifikazzjoni ta’ sit potenzjal wieħed jew aktar għall-ħżin li ġew evalwati bħala xierqa għall-ħżin ġeoloġiku sikur ta’ volumi u rati ta’ CO2 maqbuda, kif ipproġettati fuq firxa ta’ ħajja sħiħa;

Prova tal-fattibbiltà ekonomika tal-immodifikar sħiħ/parzjali ta’ sistema integtrata tas-CCS, mal-bqija tal-faċilità, fuq il-bażi ta' valutazzjoni ekonomika. Il-valutazzjoni għandha tipprovdi evidenza għal xenarji prattiċi, filwaqt li tqis it-tbassir tal-prezzijiet tas-CO2, il-kosti tal-għażliet teknoloġiċi u ta’ ħżin identifikati fl-studji tekniċi, il-marġini ta’ żball u d-dħul operattiv proġettat tagħhom. Il-valutazzjoni se tindika ċ-ċirkostanzi li skonthom is-CCS għandu jkunu ekonomikament possibbli matul il-ħajja tal-installazzjoni proposta. Din għandha tinkludi wkoll pjan ta' implimentazzjoni potenzjali tas-CCS, fosthom skeda potenzjali tal-bidu tal-ħidma;

Prova li l-permessi relevanti kollha sabiex tiġi implimentata s-CCS jistgħu jiġu miksuba u l-identifikazzjoni tal-proċeduri u l-iskedi għal dan il-proċess;

“protezzjoni ambjentali” tfisser kwalunkwe azzjoni mfassla biex tirrimedja jew tipprevjeni li ssir ħsara lill-ambjent fiżiku jew lir-riżorsi naturali bl-attivitajiet proprji tal-benefiċjarju, biex jitnaqqas ir-riskju ta’ tali ħsara jew li jwassal għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi naturali, inklużi l-miżuri li jiffrankaw l-enerġija u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;

“Kwoti tal-Unjoni Ewropea (European Union Allowance - EUA)” tfisser kwoti trasferibbli li jemettu l-ekwivalenza ta’ tunnellata waħda ta’ CO2 matul perjodu speċifikat;

“valur miżjud gross (VMG)” tfisser valur miżjud gross skont il-kosti tal-fattur, li huwa l-valur tal-produzzjoni bit-tnaqqis tal-valur tal-konsum intermedju. Huwa kejl tal-kontribuzzjoni għall-PDG magħmula minn produttur individwali, l-industrija jew is-settur. VMG skont il-kost tal-fattur huwa VMG bil-prezzijiet tas-suq bit-tnaqqis ta’ kwalunkwe taxxa indiretta flimkien ma’ kwalunkwe sussidju. Il-valur miżjud skont il-kost tal-fattur jista’ jiġi kkalkulat mill-fatturat, flimkien mal-produzzjoni kapitalizzata, flimkien ma’ introjtu operattiv ieħor, biż-żieda jew bit-tnaqqis tat-tibdil fil-ħażniet, u minnhom jitnaqqas ix-xiri ta' merkanzija u servizzi, jitnaqqsu t-taxxi l-oħrajn fuq prodotti li huma marbuta mal-fatturat iżda li mhumiex deduċibbli, u jitnaqqsu t-tariffi u t-taxxi marbuta mal-produzzjoni. Inkella, jista’ jiġi kkalkulat mill-ammont żejjed gross operattiv billi jiġu miżjuda l-kosti tal-persunal. L-intorjtu u l-infiq ikklassifikati fil-kontijiet tal-kumpannija bħala finanzjarji jew straordinarji huma esklużi mill-valur miżjud. Il-valur miżjud skont il-kost tal-fattur huwa kkalkolat fuq il-livell gross, għax l-aggustamenti fil-valur (bħalma hu d-deprezzament) ma jitnaqqsux (1);

“implimentazzjoni tal-katina tas-CCS' kollha” tfisser il-bini u l-bidu effettiv tal-ġbir, it-trasport u l-ħżin ta' CO2;

“installazzjonijiet żgħar” tfisser installazzjonijiet li jkunu rrappurtaw lill-awtorità kompetenti emissjonijiet annwali ta’ inqas minn 25,000 tunnellata ekwivalenti ta' CO2 u, fejn jitwettqu attivitajiet ta’ kombustjoni, ikun hemm input termiku rreġistrat taħt il-35 MW, esklużi l-emissjonijiet mill-bijomassa f’kull sena mit-tliet snin qabel in-notifika ta’ miżuri ekwivalenti skont l-Artikolu 27(1)(a) tad-Direttiva tal-ETS;

“Il-bidu tax-xogħol” tfisser jew il-bidu tax-xogħol ta' kostruzzjoni jew l-ewwel impenn sod biex jiġi ordnat it-tagħmir, għajr l-istudji preliminari ta' fattibbiltà.

“assi tanġibbli” jfisser, għall-finijiet tal-ikkalkular tal-kosti elġibbli, investiment fl-art, bini, impjant u tagħmir;

“assi intanġibbli” jfisser, għall-finijiet tal-ikkalkular tal-kosti eliġibbli, l-infiq fuq it-trasferiment ta' teknoloġija permezz tax-xiri ta' liċenzji operattivi jew għarfien brevettat u mhux brevettat, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

l-assi intanġibbli kkonċernat ikun assi diprezzabbli,

jinxtara skont it-termini tas-suq, mingħand impriża fejn il-bejjiegħ ma jkollu l-ebda setgħa ta' kontroll dirett jew indirett,

ikun inkluż fl-assi tal-impriża, u jibqa' fl-istabbiliment tar-riċevitur tal-għajnuna u jintuża hemmhekk għal mill-anqas ħames snin. Din il-kundizzjoni ma tapplikax jekk l-ass intanġibbli jkun teknikament qadim. Jekk l-assi intanġibbli jinbiegħ matul dawk il-ħames snin, il-qligħ mill-bejgħ irid jitnaqqas mill-kosti eliġibbli u l-ammont kollu, jew parti minnu kif ikun xieraq, jiġi rrimborżat;

“l-intensità tal-kummerċ” tfisser il-proporzjon bejn il-valur totali tal-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi flimkien mal-valur tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u d-daqs totali tas-suq għall-Unjoni (il-fatturat domestiku annwali tal-kumpaniji tal-Unjoni flimkien mal-importazzjoni totali minn pajjiżi terzi) għal kull statistika tal-Eurostat;

“il-prezz bil-quddiem tal-UEK”, f'EUR, tfisser il-medja sempliċi ta' kuljum ta’ sena bil-quddiem tal-prezzijiet tal-UEK (il-prezzijiet tal-offerti tal-għeluq) għal konsenja f’Diċembru tas-sena li għaliha tingħata l-għajnuna, kif osservat fi skambju tal-karbonju partikolari tal-UE mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel is-sena li għaliha tingħata l-għajnuna. Pereżempju, għal għajnuna mogħtija fl-2016, hija l-medja sempliċi tal-prezzijiet tal-offerti tal-għeluq tal-UEK ta’ Diċembru 2016 li ġew osservati mill-1 ta' Jannar 2015 sal-31 ta' Diċembru 2015 fi skambju partikolari tal-karbonju tal-UE.

“fattur tal-emissjonijiet tas-CO2”, f’tCO2/MWh, tfisser il-medja peżata tal-intensità tas-CO2 ta’ elettriku prodott minn fjuwils fossili f’żoni ġeografiċi differenti. Il-piż għandu jirrifletti t-taħlita tal-produzzjoni ta' fjuwils fossili fiż-żona ġeografika partikolari. Il-fattur tas-CO2 huwa r-riżultat tad-diviżjoni tad-dejta ekwivalenti ta' emissjonijiet tas-CO2 tal-industrija tal-enerġija diviża bil-Ġenerazzjoni grossa tal-elettriku bbażata fuq fjuwils fossili f'TWh. Għall-finijiet ta' dawn il-Linji Gwida, l-oqsma huma ddefiniti bħala żoni ġeografiċi (a) li jikkonsistu minn subswieq akkoppjati permezz ta' skambji ta' enerġija, jew (b) li fi ħdandhom ma tkun teżiti l-ebda konġestjoni ddikjarata u, fiż-żewġ każi, il-prezzijiet tal-iskambu tal-enerġija kull siegħa skont is-suq ta' jum bil-quddiem fiż-żoni li jkunu juru diverġenzi fil-prezzijiet f'EUR (permezz ta' rati tal-kambju ta' kuljum tal-BĊE) ta' massimu ta' 1 % f'għadd sinifikanti tas-sigħat kollha f'sena. Tali varjazzjoni reġjonali tirrifletti l-importanza ta’ impjanti ta’ karburant fossili għall-prezz finali ffissat fis-suq tal-operaturi u r-rwol tagħhom bħala impjanti marġinali fl-ordni tal-mertu. Biss il-fatt li jsir kummerċ ta' negozju bejn żewġ Stati Membri ma jfissirx awtomatikament li dawn jikkostitwixxu reġjun supranazzjonali. Minħabba n-nuqqas ta’ dejta relevanti fil-livell subnazzjonali, fiż-żoni ġeografiċi jinkludu t-territorju sħiħ ta’ Stat Membru wieħed jew aktar. Fuq din il-bażi, iż-żoni ġeografiċi li ġejjin jistgħu jiġu identifikati: Nordiċi (id-Danimarka, l-Isvezja, il-Finlandja u n-Norveġja), il-Punent Ċentrali tal-Ewropa (l-Awstrija, il-Belġju, il-Lussemburgu, Franza, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi), l-Iberja (Portugall, Spanja), ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja u l-Istati Membri l-oħra separatament. Il-fatturi korrispondenti reġonali massimi tas-CO2 huma elenkati fl-Anness IV;

“linja bażi tal-output”, f'tunellati kull sena, tfisser il-produzzjoni medja fl-installazzjoni matul il-perjodu ta' referenza 2005-2011 (linja bażi tal-output) għall-installazzjonijiet li joperaw kull sena mill-2005 sal-2011. Sena kalendarja partikolari (eż. l-2009) tista' tiġi eskluża minn dak il-perjodu ta' referenza ta' 7 snin. Jekk l-installazzjoni ma operatx għal mill-inqas sena mill-2005 sal-2011, imbagħad il-linja bażi tal-output għandha tiġi definita bħala l-produzzjoni annwali sakemm ikun hemm erba' snin ta’ operazzjoni rreġistrati, u wara tkun il-medja tat-tliet snin ta' qabel dan il-perjodu. Jekk, fil-perjodu tal-għoti tal-għajnuna, il-kapaċità tal-produzzjoni ta' installazzjoni tiġi estiża b'mod sinifikanti skont it-tifsira ta' dawn il-Linji gwida, il-linja bażi tal-output tkun tista' tiżdied fi proporzjon ma' din l-estensjoni tal-kapaċità. Jekk l-installazzjoni tnaqqas il-livell tal-produzzjoni f'sena kalendarja partikolari b'50 % sa 75 % meta mqabbel mal-linja bażi tal-output, l-installazzjoni ser tirċievi biss nofs l-ammont tal-għajnuna li tikkorrispondi għal-linja bażi tal-output. Jekk l-installazzjoni tnaqqas il-livell tal-produzzjoni f'sena kalendarja partikolari b'75 % sa 90 % meta mqabbel mal-linja bażi tal-output, l-installazzjoni ser tirċievi biss 25 % tal-ammont tal-għajnuna li tikkorrispondi għal-linja bażi tal-output. Jekk l-installazzjoni tnaqqas il-livell tal-produzzjoni f'sena kalendarja partikolari b'90 % jew aktar meta mqabbel mal-linja bażi tal-output, l-installazzjoni ma tista' tirċievi l-ebda għajnuna.

“linja bażi tal-konsum tal-elettriku”, f'MWh, ifisser il-medja tal-konsum tal-elettriku fl-installazzjoni (fosthom il-konsum tal-elettriku għall-produzzjoni ta' prodotti esternalizzati eliġibbli għal għajnuna) fuq il-perjodu ta' referenza 2005-2011 (linja bażi tal-konsum tal-elettriku) għal instalazzjonijiet li joperaw kull sena bejn l-2005 u l-2011. Sena kalendarja partikolari (eż. l-2009) tista' tiġi eskluża minn dak il-perjodu ta' referenza ta' 7 snin. Jekk l-installazzjoni ma toperatx għal mill-inqas sena mill-2005 sal-2011, il-linja bażi għall-konsum tal-elettriku għandha tiġi definita bħala l-konsum tal-elettriku annwali sakemm ikun hemm erba' snin ta’ operazzjoni rreġistrati, u wara tkun definita bħala l-medja tat-tliet snin ta' qabel fejn ikun ġie rreġistrat l-operat. Jekk, fil-perjodu tal-għoti tal-għajnuna, il-kapaċità tal-produzzjoni ta' installazzjoni tiġi estiża b'mod sinifikanti, il-linja bażi tal-konsum tal-elettriku tkun tista' tiżdied bi proporzjon ma' din l-estensjoni tal-kapaċità. Jekk l-installazzjoni tnaqqas il-livell tal-produzzjoni f'sena kalendarja partikolari b'50 % sa 75 % meta mqabbel mal-linja bażi tal-output, l-installazzjoni ser tirċievi biss nofs l-ammont tal-għajnuna li tikkorrispondi għal-linja bażi tal-konsum. Jekk l-installazzjoni tnaqqas il-livell tal-produzzjoni f'sena kalendarja partikolari b'75 % sa 90 % meta mqabbel mal-linja bażi tal-output, l-installazzjoni ser tirċievi biss għal-25 % tal-ammont tal-għajnuna li tikkorrispondi għal-linja bażi tal-konsum. Jekk l-installazzjoni tnaqqas il-livell tal-produzzjoni f'sena kalendarja partikolari b'90 % jew aktar meta mqabbel mal-linja bażi tal-output, l-installazzjoni ma tirċievi l-ebda għajnuna;

“estensjoni sinifikanti tal-kapaċità” jfisser żieda sinifikanti fil-kapaċità inizjali ta' installazzjoni fejn iseħħ dan li ġej:

bidla fiżika identifikabbli waħda jew aktar b'rabta mal-konfigurazzjoni teknika u li tiffunzjona aktar milli sempliċi sostituzzjoni ta' linja ta' produzzjoni eżistenti, u

l-installazzjoni tkun tista' tiġi operata b'kapaċità li tkun minn tal-anqas 10 % ogħla meta mqabbel mal-kapaċità inizjali installata fl-installazzjoni qabel il-bidla u dan jirriżulta minn investiment ta' kapital fiżiku (jew sensiela ta' investimenti inkrementali ta' kapital fiżiku).

L-installazzjoni trid tressaq provi lill-awtorità nazzjonali li tagħti l-għajnuna li turi li jkunu ġew issodisfati l-kriterji għal estensjoni sinifikanti tal-kapaċità u li l-estensjoni sinifikanti tal-kapaċità tkun ġiet ivverifikata bħala waħda sodisfaċenti minn verifikatur indipendenti. Din il-verifika trid tindirizza l-affidabbiltà, il-kredibbiltà u r-reqqa tad-dejta mogħtija mill-installazzjoni u trid tagħti opinjoni ta' verifika li tiddikjara b'assigurazzjoni raġonevoli li d-dejta mressqa tkun ħielsa minn dikjarazzjonijiet materjali mhux veritieri.

“valur referenzjarju għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku”, f’MWh/Tunnellata ta’ produzzjoni u definita fil-livell ta’ Prodcom 8, tfisser il-konsum tal-elettriku speċifiku għall-prodott għal kull tunnellata ta’ output miksuba permezz tal-aktar metodi effiċjenti tal-produzzjoni tal-elettriku għall-prodott meqjus. Fir-rigward ta' prodotti li jaqgħu fl-ambitu tas-setturi eliġibbli li fil-konfront tagħhom id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (2) tkun stabbilixxiet il-possibbiltà ta' skambju ta' fjuwil u elettriku, id-definizzjoni tal-valuri referenzjarji għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku issir fi ħdan l-istess konfini tas-sistema, b'kunsiderazzjoni biss tas-sehem tal-elettriku. Il-valuri referenzjarji korrispondenti tal-konsum tal-elettriku għall-prodotti koperti mis-setturi u s-subsetturi eliġibbli huma elenkati fl-Anness III.

“valur referenzjarju alternattiv għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku”, % tal-linja bażi tal-konsum tal-elettriku. Dan il-parametru għandu jiġi ddeterminat permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni flimkien mal-valuri referenzjarji tal-konsum tal-elettriku. Din tikkorrispondi għall-isforz medju tat-tnaqqis impost permezz tal-valuri referenzjarji tal-effiċjenza tal-konsum tal-elettriku (valur referenzjarju tal-konsum tal-elettriku/konsum tal-elettriku ex-ante). Hija applikata għall-prodotti kollha li jaqgħu fis-setturi eliġibbli jew subsetturi imma li għalihom il-valur referenzjarju għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku ma jkunx definit.


(1)  Il-kodiċi 12 15 0 fil-qafas legali stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 58/97 tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istatistika strutturali kummerċjali.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1. L-Anness I.2 ta’ din id-Deċiżjoni 2011/278/UE jelenka numru ta' prodotti fejn tali sostituzzjoni tal-karburant instabet li teżisti, għall-inqas sa ċertu punt.


ANNESS II

Setturi u subsetturi meqjusa ex-ante li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju minħabba l-kosti indiretti tal-emissjonijiet

Għall-finijiet ta' dawn il-Linji gwida, l-installazzjoni ta' benefiċjarju tal-għajnuna tkun tista' tirċievi għajnuna mill-Istat għal kosti indiretti ta' emissjonijiet skont it-Taqsima 3.3 ta' dawn il-Linji gwida, biss jekk tkun attiva f'wieħed minn dawn is-setturi jew subsetturi li ġejjin. L-ebda settur jew subsettur ieħor mhuwa ser jitqies eliġibbli għal tali għajnuna.

 

Kodiċi NACE (1)

Deskrizzjoni

1.

2742

Produzzjoni tal-aluminju

2.

1430

Tħaffir għal minerali kimiċi u fertilizzanti mill-minjieri

3.

2413

Manifattura ta’ kimiċi inorganiċi oħra

4.

2743

Produzzjoni ta’ ċomb, żingu u landa

5.

1810

Manifattura ta’ biċċiet tal-ġilda

6.

2710

Manifattura ta’ ħadid u azzar bażiċi u ta' ligi tal-ħadid, fosthom pajpijiet tal-azzar mingħajr qsim

7.

2112

Manifattura ta’ karta u kartun

8.

2415

Manifattura ta’ fertilizzanti u komposti tan-nitroġenu

9.

2744

Produzzjoni tar-ram

10.

2414

Manifattura ta’ kimiċi inorganiċi oħra

11.

1711

Għażil ta' fibri tat-tip tal-qoton

12.

2470

Manifattura ta' fibri magħmula mill-bniedem

13.

1310

Tħaffir għal ħadid mhux maħdum

14.

 

Is-subsetturi li ġejjin fi ħdan il-Manifattura ta' plastiki f'settur primarju tal-forom (2416):

24161039

Politelen b'Densità Baxxa (LDPE)

24161035

Politelen b'Densità Baxxa Lineari (LLDPE)

24161050

Politelen b'Densità Għolja (HDPE)

24165130

Poliproplen (PP)

24163010

Klorur tal-Polivinil (PVC)

24164040

Polikarbonat (PC)

15.

 

Is-subsetturi li ġejjin fi ħdan is-Settur tal-manifattura tal-polpa (2111):

21111400

Polpa mekkanika

Nota spjegattiva dwar il-metodoloġija għad-definizzjoni tas-setturi u subsetturi eliġibbli għal għajnuna

1.

Skont l-Artikolu 10a(15) tad-Direttiva tal-ETS, setturi jew subsetturi elenkati fit-tabella ta' hawn fuq jitqiesu li jkunu esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju għall-finijiet ta’ dawn il-Linji Gwida fuq bażi kwantitattiva jekk l-intensità tal-kummerċ f’pajjiżi terzi tkun ogħla minn 10 % u t-total tal-kosti addizzjonali indiretti kaġun tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-ETS iwasslu għal żieda sostanzjali fil-kosti tal-produzzjoni, ikkalkulata bħala proporzjon tal-valur miżjud gross ta’ mill-inqas 5 %.

2.

Fil-kalkolu tal-kosti indiretti għall-fini tal-eliġibbiltà taħt dawn il-Linji Gwida, l-istess previżjoni tal-prezz tas-CO2, kif ukoll l-istess fattur medju tal-emissjonijiet tal-UE għall-elettriku huwa applikat skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE (2). L-istess dejta dwar il-kummerċ, il-produzzjoni u l-valur miżjud għal kull settur jew subsettur huma użati bħal kif użati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE. Il-komputazzjoni tal-intensità tal-kummerċ tiddependi fuq l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet lejn il-pajjiżi kollha barra mill-UE, irrispettivament jekk dawn il-pajjiżi mhux tal-UE jimponux prezzijiet għas-CO2 (permezz ta’ taxxi fuq il-karbonju, jew sistemi cap-and-trade simili għall-ETS). Huwa wkoll mifhum li 100% tal-kost tas-CO2 se jiġi ttrasferit fuq il-prezzijiet tal-elettriku.

3.

Bħal ma hemm fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10a(17) tad-Direttiva tal-ETS, sabiex jiġu determinati s-setturi u s-subsetturi eliġibbli elenkati fit-tabella ta' hawn fuq, il-valutazzjoni tas-setturi abbażi ta' kriterji kwantitattivi stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' hawn fuq, jistgħu jiġu supplimentati b'valutazzjoni kwalitattiva, fejn id-dejta relevanti tkun disponibbli, u rappreżentanti tal-industrija jew tal-Istati Membri jkunu għamlu talbiet plawżibbli u sostanzjati biżżejjed favur l-eliġibbiltà. Il-valutazzjoni kwalitattiva kienet applikata, l-ewwel, lis-setturi marġinali, jiġifieri s-setturi NACE -4 li jaffaċċjaw kosti miżjuda tal-emissjonijiet indiretti bejn 3-5 % u intensità tal-kummerċ ta' mill-inqas 10 %; it-tieni, lil setturi u subsetturi (inklużi fil-livell tal-Prodcom (3)) li għandhom dejta uffiċjali li hija nieqsa jew ta' kwalità baxxa; u, it-tielet, lil setturi u subsetturi (inklużi fil-livell tal-Prodcom) li jistgħu jitqiesu li ma ġewx rappreżentati biżżejjed mill-valutazzjoni kwantitattiva. Setturi jew subsetturi b'anqas minn 1 % f'kosti indiretti ta' CO2 ma ġewx ikkunsidrati.

4.

Il-valutazzjoni tal-eliġibbiltà kwalitattiva l-ewwel iffukat fuq id-daqs tal-impatt asimettriku indirett tal-kost tas-CO2 fuq is-sehem tal-valur gross miżjud tas-settur. L-impatt asimettriku tal-kost irid ikun kbir biżżejjed biex ikollu riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjoijiet tal-karbonju minħabba kosti indiretti tas-CO2. Kosti indiretti tas-CO2 li jkunu aktar minn 2.5 % tqiesu bħala li jissodisfaw dan il-kriterju. It-tieni nett, barra minn hekk, ġiet ikkunsidrata l-prova disponibbli relatata mas-suq li tindika li s-(sub)settur ma jistax jittrasferixxi l-kosti indiretti miżjuda lill-klijenti mingħajr ma jitlef sehem sinifikanti mis-suq fil-konfront ta' kompetituri minn pajjiżi terzi. Bħala għan li huwa konformi ma' dak l-iskop, ġie kkunsidrat li jkun meħtieġ li l-intensità kummerċjali tkun tlaħħaq tal-anqas il-25 % biex dak it-tieni kriterju jitqies bħala ssodisfat. Barra minn hekk, it-tieni kriterju jirrekjedi informazzjoni sostanzjata li tindika li s-settur tal-UE kkonċernat fil-parti l-kbira tiegħu x'aktarx li jkun f'pożizzjoni li ma jistax jinfluwenza l-prezzijiet (eż. prezzijiet li jiġu stabbiliti skont l-iskambju ta' prodott bażiku jew prova ta' korrelazzjonijiet ta' prezz madwar makroreġjuni); tali evidenza kienet appoġġjata minn informazzjoni ulterjuri, fejn din kienet disponibbli, dwar is-sitwazzjoni internazzjonali tad-domanda u l-provvista, il-kosti tat-trasport, il-marġni ta' profitt u l-potenzjal ta' tnaqqis tas-CO2. It-tielet nett, l-iskambjabbiltà tal-fjuwil u l-elettriku ma' prodotti fis-settur, kif inhu stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (4) ġiet ikkunsidrata wkoll.

5.

Ir-riżultati tal-valutazzjonijiet kwalitattivi u kwantitattivi huma riflessi fil-lista ta' setturi u subsetturi eleġibbli stabbiliti f'dan l-Anness, li hija maqgħluqa u tista' tiġi riveduta biss matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' dawn il-Linji gwida.


(1)  Skont in-NACE re.1.1: http://ec.europa.eu/eurostat/ramon/nomenclatures/index.cfm?TargetUrl=LST_CLS_DLD&StrNom=NACE_1_1&StrLanguageCode=EN&StrLayoutCode=HIERARCHIC

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Diċembru 2009 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta’ setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta’ rilaxx tal-karbonju, ĠU L 1, 5.1.2010, p. 10.

(3)  Il-Lista għall-Produzzjoni Komunitarja hija disponibbli fuq http://ec.europa.eu/eurostat/ramon/nomenclatures/index.cfm?TargetUrl=LST_NOM_DTL&StrNom=PRD_2010&StrLanguageCode=EN&IntPcKey=&StrLayoutCode=HIERARCHIC

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1. L-Anness I.2 ta’ din id-Deċiżjoni 2011/278/UE jelenka numru ta' prodotti fejn tali sostituzzjoni tal-karburant instabet li teżisti, għall-inqas sa ċertu punt.


ANNESS III

Valuri referenzjarji għall-effiċjenza fil-konsum tal-elettriku għall-prodotti koperti mill-kodiċi NACE fl-Anness II

Kodiċi NACE

Prodott definit fil-livell Prodcom 8

Standard ta' referenza

MWh/T

 

[prodott 1] …

[prodott 2] …

[prodott 3] …

… kull [t]

 

[prodott 1] …

[prodott 2] …

[prodott 3] …

 

 

[prodott 1] …

[prodott 2] …

[prodott 3] …

 

 

[prodott 1] …

[prodott 2] …

[prodott 3] …

 


ANNESS IV

Fatturi tal-emissjonijiet massimi reġjonali tas-CO2 f’żoni ġeografiċi differenti (tCO2/MWh)

 

 

Elettriku

Ċentru Punent tal-Ewropa

L-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Lussemburgu

0,76

Ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja

Ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja

1,06

L-Iberja

Il-Portugall, Spanja

0,57

Nordiċi

Id-Danimarka, l-Isvezja, il-Finlandja, in-Norveġja

0,67

Il-Bulgarija

 

1,12

Ċipru

 

0,75

L-Estonja

 

1,12

Il-Greċja

 

0,82

L-Ungerija

 

0,84

L-Irlanda

 

0,56

L-Italja

 

0,60

Il-Latvja

 

0,60

Il-Litwanja

 

0,60

Malta

 

0,86

Il-Polonja

 

0,88

Ir-Rumanija

 

1,10

Is-Slovenja

 

0,97

Ir-Renju Unit

 

0,58

Nota spjegattiva dwar il-fattur ta' emissjonijiet reġjonali massimi ta' CO2

Sabiex jiġi żgurat trattament indqas tas-sorsi tal-elettriku, u tiġi evitata l-possibilità ta’ abbużi, l-istess fattur ta’ emissjonijiet tas-CO2 japplika għas-sorsi kollha ta’ provvista tal-elettriku (il-ġenerazzjoni awtonoma tal-elettriku, il-kuntratti għall-forniment tal-elettriku jew il-forniment fuq is-sistema ta' distribuzzjoni) u għall-benefiċjarji kollha tal-għajnuna fl-Istat Membru kkonċernat.

Il-metodu sabiex jiġi stabbilit l-ammont massimu ta’ għajnuna jqis il-fattur tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-elettriku fornit minn impjanti tal-kombustjoni f’żoni ġeografiċi differenti. Tali varjazzjoni reġjonali tirrifletti l-importanza ta’ impjanti ta’ karburant fossili għall-prezz finali ffissat fis-suq tal-operaturi u r-rwol tagħhom bħala impjanti marġinali fl-ordni tal-mertu.

Il-Kummissjoni ddeterminat minn qabel il-valur(i) reġjonali tal-fatturi tal-emissjonijiet tas-CO2 imsemmija hawn fuq, li jikkostitwixxu valuri massimi għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna. Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu japplikaw fattur ta' emissjonijiet tas-CO2 aktar baxx għall-benefiċjarji kollha fit-territorju tagħhom.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

5.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/23


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6285 – Saria/Danish Crown/Daka JV)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 158/05

1.

Fl-24 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ proposta ta’ konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi Saria Bio-Industries AG & Co. KG (“Saria”, il-Ġermanja), ikkontrollata mill-Grupp Rethmann (il-Ġermanja) indirettament permezz tas-sussidjarja tagħha Saria Bio-Industries Denmark ApS (“Saria Denmark”, id-Danimarka), u Danish Crown A/S (“Danish Crown”, id-Danimarka) jakkwistaw, fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġjunt ta’ l-impriża Daka Denmark A/S (“Daka”, id-Danimarka) permezz ta’ xiri ta’ ishma ta’ kumpanija ġdida li nħolqot bħala inizjattiva imprenditorjali konġunta.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Saria: il-ġbir, l-ipproċessar u l-bejgħ ta’ prodotti sekondarji derivati mill-annimali, mill-ħxejjex u mill-agrikoltura,

għal Danish Crown: il-qtil ta’ ħnieżer u baqar, l-ipproċessar tal-laħam u n-negozjar fil-laħam,

għal Daka: il-ksib, l-ipproċessar u l-bejgħ jew ir-rimi ta’ prodotti sekondarji derivati mill-annimali.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6285 – Saria/Danish Crown/Daka JV, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).


5.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/24


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6592 – Naxicap/Achares/Pro-Struct/Accent Jobs for People)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 158/06

1.

Fil-25 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Naxicap Partners (“Naxicap”, Franza), li hija tal-grupp Banque Populaire Caisse d’Epargne (“BPCE”, Franza), takkwista skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt, ma’ Achares NV (“Achares”, Il-Belġju) u Pro-Struct BVBA (“Pro-Struct”, Il-Belġju), ta’ Accent Jobs for People (Il-Belġju) permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Naxicap: Il-kumpanija maniġerjali tal-assi tal-Grupp BPCE, li tappoġġja proġetti dwar kapital għat-tkabbir, ir-riorganizzazzjoni tal-kapital, l-immaniġġar tad-diversifikazzjoni tal-assi, u t-trasferiment tan-negozju kif ukoll il-finanzjament għall-ħolqien ta’ negozju,

Accent Jobs For People: ir-reklutaġġ u aġenzija għas-selezzjoni attiva fis-settur tal-impjieg temporanju fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-għan uniku ta’ Achares u Pro-Struct huwa il-pussess ta’ ishma f’Accent Jobs For People u mhumiex involuti f’xi attività oħra ta’ negozju.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6592 – Naxicap/Achares/Pro-Struct/Accent Jobs for People, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).


5.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/25


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6606 – Toshiba/IBM's Retail Stores Solutions business)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 158/07

1.

Fl-24 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Toshiba Tec Corporation (“Tec”, il-Ġappun) ikkontrollata minn Toshiba Corporation (“Toshiba”, il-Ġappun) takkwista, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll intier ta’ IBM’s Retail Store Solutions business (“IBM RSS”, l-Istati Uniti tal-Amerika) permezz ta’ xiri ta’ assi.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

fil-każ ta’ Tec: il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni globali ta’ prodotti u soluzzjonijiet tan-negozju f’erba’ oqsma ewlenin: (i) soluzzjonijiet għall-bejgħ bl-imnut, (ii) soluzzjonijiet għall-uffiċċju, (iii) soluzzjonijiet għall-katina tal-forniment u (iv) irjus tal-inkjet. Tec taqa’ fi ħdan id-dominju tan-negozju tal-Prodotti Diġitali ta’ Toshiba,

fil-każ tal-IBM RSS: l-iżvilupp u d-distribuzzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-bejgħ bl-imnut, inklużi s-sitemi tal-punt tal-bejgħ (“POS”), sistemi self-service, u servizzi ta' appoġġ tekniku u manutenzjoni relatati.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6606 – Toshiba/IBM's Retail Stores Solutions business, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).


5.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/26


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6584 – Vodafone/Cable & Wireless Worldwide)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 158/08

1.

Fid-29 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża Vodafone Group Plc (“Vodafone”) takkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll ta' Cable & Wireless Worldwide Plc (“CWW”) permezz tax-xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Vodafone hi l-kumpanija possedenti ta' grupp ta' kumpaniji li huma involuti fl-operazzjoni ta' netwerks ta' telekomunikazzjoni bil-mobile u l-forniment ta' servizzi relatati ta' telekomunikazzjoni. Għandha sussidjarji li huma tagħha kollha kemm huma jew ikkontrollati minnha kif ukoll netwerks fi sħab magħha li huma operaturi tal-mobile madwar id-dinja. Xi kumpaniji operattivi tal-Vodafone jipprovdu wkoll servizzi tal-linja fissa tal-vuċi u l-broadband,

CWW hija kumpanija globali tat-telekomunikazzjoni li tipprovdi firxa wiesgħa ta' servizzi tal-vuċi, dejta, hosting u dawk ibbażati fuq l-IP u applikazzjonijiet madwar ir-Renju Unit, l-Asja-Paċifiku, l-Indja, il-Lvant Nofsani u l-Afrika, l-Ewropa Kontitnentali u l-Amerika ta' Fuq.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6584 – Vodafone/Cable & Wireless Worldwide, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).


5.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/27


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6571 – Vitol/Grindrod/Cockett Group)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 158/09

1.

Fid-29 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha Vitol B.V. (“Vitol”, il-Pajjiżi l-Baxxi) u Grindrod Limited (“Grindrod”, l-Afrika t’Isfel) jakkwistaw, fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt ta’ Cockett Marine Oil Pte Ltd (Singapore) u Cockett Marine Oil South Africa (Pty) Ltd (l-Afrika t’Isfel) (flimkien il-“Grupp Cockett”) permezz ta’ xiri ta' ishma f’kumpanija ġdida li tikkostitwixxi impriża konġunta.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Vitol: attiva fil-kummerċ fiżiku ta’ prodotti tal-enerġija għall-konsum relatati b'mod partikolari mas-settur taż-żejt u tal-gass,

għal Grindrod: attiva fil-ġarr ta’ merkanzija fit-toroq, bil-ferrovija, bil-baħar u bl-ajru permezz ta’ servizzi integrati ta’ loġistika li jagħmlu użu minn assi u infrastruttura speċjalizzati,

għal Grupp Cockett: attiv fix-xiri u l-bejgħ ta’ karburanti għall-bastimenti, magħruf ukoll bħala bunker trading.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6571 – Vitol/Grindrod/Cockett Group, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).


5.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 158/28


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6617 – Baycliffe/Trafigura/Blue Ocean)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 158/10

1.

Fid-29 ta’ Mejju 2012 il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi Baycliffe Limited (“Baycliffe”, Il-Gżira ta’ Man) u Trafigura Beheer B.V. (“Trafigura”, Il-Pajjiżi l-Baxxi) jakkwistaw skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet kontroll konġunt indirett ta’ Blue Ocean Associates Limited, (“Blue Ocean”, Ir-Renju Unit) u Baycliffe għandha l-intenzjoni li takkwista wkoll skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwra l-Għaqdiet il-kontroll esklussiv ta’ żewġ sussidjarji ta’ Blue Ocean, Blue Ocean International Limited (“BOIL”) u Blue Ocean Mineralol GmbH (“BOG”).

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

Blue Ocean: it-taħlit, il-kummerċjalizzazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ prodotti tad-diżil u tal-petrol lil klijenti tal-bejgħ bl-imnut kif ukoll kummerċjali; in-negozju u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti sekondarji petrolkimiċi,

Baycliffe: ditta tal-investiment involuta fis-servizzi tax-xandir bir-radju, fil-bejgħ bl-imnut tal-kafè/tal-ikel, fir-reklutaġġ onlajn, fis-servizzi ta’ rkupru minn diżastri, fil-kiri ta’ inġenji tal-ajru u fit-telekomunikazzjoni mobbli,

Trafigura: il-kummerċ ta’ komoditajiet fiżiċi, l-akkwist u l-kummerċ ta’ żejt mhux maħdum, ta’ prodotti petrolifiċi, ta’ karburanti rinnovabbli, ta’ konċentrati mhux tal-ħadid u ta’ metalli raffinati.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6617 – Baycliffe/Trafigura/Blue Ocean, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).