ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.122.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 122

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
27 ta' April 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 122/01

Rata tal-kambju tal-euro

1

2012/C 122/02

Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-ftehimiet restrittivi u l-pożizzjoni dominanti mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-5 ta' Diċembru 2011 rigward l-abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ COMP/39.600 – Kompressuri tar-Refriġerazzjoni – Rapporteur: Malta

2

2012/C 122/03

Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta – COMP/39.600 – Kompressuri tar-refriġerazzjoni

4

2012/C 122/04

Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2011 dwar proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.600 – Kompressuri tar-Refriġerazzjoni) (notifikata bid-dokument numru C(2011) 8923)  ( 1 )

6

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2012/C 122/05

Deċiżjoni dwar trasferiment ta’ portafoll u rtirar ta’ awtorizzazzjoni wara li saret talba fil-konfront ta': Societatea de Asigurări Chartis România SA (Pubblikazzjoni magħmula skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' impriżi tal-assigurazzjoni)

8

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 122/06

Notifika ta' bidu tal-proċeduri kontra s-sussidji rigward l-importazzjonijiet ta' bajsikils li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

9

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 122/07

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6339 – Freudenberg & CO/Trelleborg/JV) ( 1 )

19

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 122/08

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

20

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

27.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

Is-26 ta’ April 2012

2012/C 122/01

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3215

JPY

Yen Ġappuniż

106,96

DKK

Krona Daniża

7,4393

GBP

Lira Sterlina

0,81640

SEK

Krona Żvediża

8,8760

CHF

Frank Żvizzeru

1,2016

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,5765

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,758

HUF

Forint Ungeriż

287,90

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,6997

PLN

Zloty Pollakk

4,1820

RON

Leu Rumen

4,3775

TRY

Lira Turka

2,3359

AUD

Dollaru Awstraljan

1,2736

CAD

Dollaru Kanadiż

1,2968

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,2543

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6196

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6409

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 501,14

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

10,2582

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,3069

HRK

Kuna Kroata

7,5330

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 140,68

MYR

Ringgit Malażjan

4,0359

PHP

Peso Filippin

56,192

RUB

Rouble Russu

38,7420

THB

Baht Tajlandiż

40,808

BRL

Real Brażiljan

2,4873

MXN

Peso Messikan

17,3843

INR

Rupi Indjan

69,4510


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


27.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/2


Opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-ftehimiet restrittivi u l-pożizzjoni dominanti mogħtija fil-laqgħa tiegħu tal-5 ta' Diċembru 2011 rigward l-abbozz ta’ deċiżjoni relatat mal-Każ COMP/39.600 – Kompressuri tar-Refriġerazzjoni

Rapporteur: Malta

2012/C 122/02

1.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-imġiba antikompetittiva koperta mill-abbozz ta’ deċiżjoni tikkostitwixxi ftehim u/jew prattika miftiehma bejn l-impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 101 tat-TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

2.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prodotti u tal-medda ġeografika koperti mill-ftehim u/jew mill-prattiki miftiehma li hemm fl-abbozz ta’ deċiżjoni.

3.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-impriżi kkonċernati mill-abbozz ta’ deċiżjoni pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

4.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-għan tal-ftehim u/jew tal-prattika miftiehma kien li jillimita l-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101 tat-TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

5.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li l-ftehim u/jew il-prattika miftiehma kienu kapaċi jaffettwaw sostanzjalment il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE u bejn il-partijiet kontraenti l-oħra tal-Ftehim ŻEE.

6.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tul ta' żmien tal-ksur.

7.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tad-destinatarji.

8.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li għandha tiġi imposta multa fuq id-destinatarji tal-abbozz tad-deċiżjoni.

9.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2006 dwar il-metodu biex jiġu stabbiliti l-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

10.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-ammonti bażiċi tal-multi.

11.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel li jiġi stabbilit it-tul ta' żmien tal-ksur biex jiġu kkalkulati l-multi.

12.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni li m’hemm l-ebda ċirkostanzi aggravanti li huma applikabbli f’dan il-każ.

13.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni dwar li għandu jiġi applikat multiplikatur ta' deterrenza għal wieħed mid-destinatarji tal-abbozz tad-deċiżjoni.

14.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni dwar iċ-ċirkostanzi mitiganti li l-Kummissjoni tidentifika għal tnejn mid-destinatarji tal-abbozz tad-deċiżjoni.

15.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-multi abbażi tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006.

16.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-multi abbażi tan-Notifika ta' Riżolviment tal-2008.

17.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-inabbiltà li jsir il-ħlas.

18.

Il-Kumitat Konsultattiv jaqbel mal-Kummissjoni fuq l-ammonti finali tal-multi.

19.

Il-Kumitat Konsultattiv jirrakkomanda l-pubblikazzjoni tal-Opinjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


27.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/4


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

COMP/39.600 – Kompressuri tar-refriġerazzjoni

2012/C 122/03

L-abbozz tad-deċiżjoni tikkonċerna proċediment ta’ riżolviment fir-rigward ta' kartell bejn ħames produtturi ta’ kompressuri tar-refriġerazzjoni domestiċi u kummerċjali (massimu ta’ 1.5 horsepower) li fil-biċċa l-kbira huma użati fis-settur tar-refriġerazzjoni u l-iffriżar domestiċi, iżda wkoll fis-settur kummerċjali. Id-destinatarji tal-abbozz tad-deċiżjoni huma Appliances Components Companies SpA u Elettromeccanica SpA (“ACC”), Danfoss A/S u Danfoss Flensburg GmbH (“Danfoss”), Whirlpool SA u Embraco Europe S.r.l. (“Embraco”), Panasonic Corporation (“Panasonic”) kif ukoll Tecumseh Products Company Inc., Tecumseh do Brasil Ltda. u Tecumseh Europe SA (“Tecumseh”). Il-ksur kopra ż-ŻEE kollha, u dam mit-13 ta’ April 2004 sad-9 ta' Ottubru 2007.

L-ISFOND

F’Ottubru 2008 il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għall-immunità minn Tecumseh, li ngħatat kondizzjonalment fil-11 ta’ Frar 2009. Fl-istess xahar il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet għall-għarrieda fil-binjiet ta’ Embraco, ACC u Danfoss.

Xahar wara, tliet impriżi – Panasonic, ACC u Embraco – applikaw biex jingħataw l-immunità jew inkella tnaqqis tal-multi skont l-Avviż ta' Klemenza (2). Danfoss issottomettiet applikazzjoni għal tnaqqis tal-multi f'Lulju 2010.

Fit-13 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (3) bil-għan li tagħti bidu għal diskussjonijiet dwar riżolviment u talbet formalment lill-ħames impriżi kkonċernati biex jindikaw jekk kinux interessati li jipparteċipaw f'diskussjonijiet dwar riżolviment. Kull waħda mill-partijiet iddikjarat ir-rieda tagħha biex tipparteċipa f'dawn id-diskussjonijiet.

IL-PROĊEDURA TA’ RIŻOLVIMENT

Id-diskussjonijiet bejn kull parti u l-Kummissjoni seħħew bejn Novembru 2010 u Settembru 2011. Matul dawn il-laqgħat il-partijiet ġew infurmati dwar l-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni pprevediet li tressaq kontrihom kif ukoll dwar ix-xhieda li ssostni dawn l-oġġezzjonijiet. F'Novembru 2010 il-partijiet kellhom aċċess għall-evidenza relevanti fil-binjiet tal-Kummissjoni, fosthom id-dikjarazzjonijiet orali kollha. Il-partijiet ġew mogħtija wkoll kopja stampata tal-lista tad-dokumenti kollha li kien hemm fil-fajl. Danfoss u Embraco ngħataw aċċess għal dokumenti addizzjonali elenkati fil-fajl tal-każ wara li għamlu talba motivata f’dan ir-rigward. Id-DĠ Kompetizzjoni estenda l-aċċess addizzjonali għat-tliet partijiet l-oħra. Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll stima tal-firxa tal-multi li probabbilment hi kienet se timponi fuq kull wieħed mill-ħames partijiet. Wara l-aċċess għall-fajl, it-tliet partijiet ippreżentaw argumenti bbażati fuq il-fajl aċċessibbli. Dawn ġew meqjusa, fejn deher li kien ġustifikat.

F’Settembru 2011, il-partijiet kollha ssottomettew talba formali lill-Kummissjoni għal riżolviment skont l-Artikolu 10a (2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (4) u rrikonoxxew ir-responsabbiltà rispettiva tagħhom għal ksur tal-Artikolu 101 tat-TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Barra minn hekk, il-partijiet indikaw li huma kienu se jaċċettaw l-ogħla ammont tal-multa li infurmathom bih il-Kummissjoni. It-tielet nett, il-partijiet ikkonfermaw (i) li huma kienu rċevew biżżejjed informazzjoni dwar l-oġġezzjonijiet u ngħataw opportunità biżżejjed biex jagħtu l-opinjoni tagħhom, (ii) li ma pprevedewx li jitolbu aċċess għall-fajl jew li jinstemgħu f'seduta orali, soġġett għall-kundizzjoni li d-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet (“DO”) u d-Deċiżjoni finali jkunu jirriflettu s-sottomissjonijiet tar-riżolviment tagħhom u (iii) li qablu li jirċievu d-DO u d-Deċiżjoni finali bl-Ingliż.

Id-DO ġiet adottata fil-11 ta' Ottubru 2011. Id-destinatarji kollha wieġbu li d-DO tikkorrispondi mal-kontenut tas-sottomissjonijiet għal riżolviment tagħhom u li għalhekk se jżommu l-impenn tagħhom li jsegwu l-proċedura ta’ riżolviment. Għalhekk il-Kummissjoni setgħet tipproċedi direttament għal deċiżjoni skont l-Artikoli 7 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

IL-PERSUNA TERZA INTERESSATA

Aktiebolaget Electrolux ġiet ammessa fil-proċediment bħala persuna terza b’interess biżżejjed skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. It-talba inizjali tagħha mressqa fl-2010 kellha tiġi miċħuda għax ma kinitx ammissibbli minħabba tliet raġunijiet. Peress li l-proċedimenti kienu għadhom ma nbdewx għal dan il-każ ta’ kartell, ma kien hemm l-ebda “proċediment” li terza persuna setgħet tiġi ammessa għalih; it-tieni nett, ma kienx possibbli jsir ġudizzju infurmat dwar l-eżistenza ta' interess biżżejjed għal persuna terza biex tiġi ammessa għall-proċedura u t-tielet nett, it-terza persuna ma kinitx għadha tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004. It-tieni talba li tressqet aktar minn sena u nofs wara (jiġifieri wara li l-proċediment ingħata bidu formalment) ġiet aċċettata. Sussegwentement, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 il-kumpanija ġiet infurmata bil-miktub dwar in-natura u s-suġġett tal-proċedura u ngħatat l-opportunità li tesprimi l-fehmiet tagħha bil-miktub.

L-ABBOZZ TAD-DEĊIŻJONI

L-abbozz tad-Deċiżjoni jinkludi l-oġġezzjonijiet li tqajmu mid-DO. Għaldaqstant hu marbut biss ma’ oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

Barra minn hekk, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-partijiet ma ndirizzawx kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl jew id-dritt tagħhom għad-difiża, lili jew lill-membru tal-Uffiċċju għas-Seduti li attenda għal-laqgħat ta’ riżolviment, inqis li f'dan il-każ ġie rrispettat id-dritt tal-parteċipanti kollha li jinstemgħu fil-proċedimenti.

Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2011.

Michael ALBERS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29.

(2)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta' multi f'każijiet ta' kartell, OJ C 298, 8.12.2006, p. 17 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, Edizzjoni Speċjali tal-ĠU bil-Malti: Kapitolu 08 Volum 02 p. 205.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta' April 2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE, Edizzjoni Speċjali tal-ĠU bil-Malti: Kapitolu 08 Volum 03 p. 81.


27.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/6


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-7 ta' Diċembru 2011

dwar proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat (1) u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

(Każ COMP/39.600 – Kompressuri tar-Refriġerazzjoni)

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 8923)

(It-test bil-Ingliż biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 122/04

Fis-7 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni fir-rigward ta’ proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (2), il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, inklużi kwalunkwe penali imposti, wara li kkunsidrat l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Id-Deċiżjoni tirrigwarda ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-Trattat u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE dwar il-produzzjoni u l-bejgħ ta' kompressuri domestiċi u kummerċjali (massimu ta’ 1,5 HP). Id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-impriżi li ġejjin: (i) ACC (3); (ii) Danfoss (4); (iii) Embraco (5); (iv) Panasonic (6); u (v) Tecumseh (7).

2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

2.1.   Proċedura

(2)

Wara l-applikazzjoni għall-immunità ta’ Tecumseh, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet għall-għarrieda fi Frar 2009 fil-binjiet ta' ACC, Danfoss u Embraco.

(3)

Panasonic, ACC, Embraco u Danfoss applikaw għal tnaqqis tal-multi. F’Novembru 2009 il-Kummissjoni bagħtet talbiet għall–informazzjoni.

(4)

Il-Kummissjoni bdiet proċedimenti f'dan il-każ fit-13 ta’ Ottubru 2010. Bejn il-15 ta' Novembru 2010 u l-14 ta’ Settembru 2011, saru diskussjonijiet għal riżolviment. Sussegwentement, il-membri tal-kartell ressqu t-talba formali ta’ riżolviment tagħhom lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10a (2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004. Fil-11 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet u l-partijiet kollha kkonfermaw li l-kontenut tagħha kien jirrifletti s-sottomissjonijiet tagħhom u li huma baqgħu jżommu l-impenn tagħhom li jsegwu l-proċedura ta’ riżolviment. Il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fil-5 ta’ Diċembru 2011 u l-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni fis-7 ta' Diċembru 2011.

2.2.   Destinatarji u tul ta' żmien tal-ksur

(5)

L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perjodi indikati hawn isfel, f'attivitajiet antikompetittivi fir-rigward tal-produzzjoni u tal-bejgħ ta' kompressuri domestiċi u kummerċjali (massimu ta’ 1,5 HP):

(a)

ACC, Danfoss, Embraco u Tecumseh mit-13 ta’ April 2004 sad-9 ta' Ottubru 2007;

(b)

Panasonic mit-13 ta’ April 2004 sal-15 ta' Novembru 2006;

2.3.   Sommarju tal-ksur

(6)

ACC, Danfoss, Embraco, Panasonic u Tecumseh ipparteċipaw f'kartell madwar iż-ŻEE relatat mal-produzzjoni u l-bejgħ ta' kompressuri domestiċi u kummerċjali (massimu ta’ 1,5 HP) li kellu l-għan li jikkoordina politiki ta’ pprezzar Ewropej u li jżomm l-ishma tas-suq stabbli sabiex jiġu rkuprati ż-żidiet fl-ispejjeż.

(7)

Il-membri tal-kartell kellhom laqgħat bilaterali, trilaterali u multilaterali. Il-laqgħat multilaterali saru fl-Ewropa bejn Tecumseh, Embraco, ACC u Danfoss (Panasonic attendiet f'okkażjoni waħda biss). Il-partijiet sejħu dawn il-laqgħat “skont min imissu” (bl-eċċezzjoni ta’ Panasonic). Il-laqgħat normalment kienu jsiru f’lukandi li jinsabu fl-ajruporti ta’ Frankfurt u Munich, u xi drabi kienu jingħataw isem fittizju. Waqt il-laqgħat multilaterali, il-membri tal-kartell iddiskutew u qablu dwar il-ħtieġa li jgħollu l-prezzijiet tal-prodotti tal-kompressuri tagħhom fl-Ewropa biex ikopru ż-żieda fl-ispejjeż tal-materjal. Huma ddiskutew il-firxiet ġenerali taż-żidiet fil-prezzijiet li reċentement ntlaħqu minn kumpaniji fl-Ewropa u qablu dwar iż-żmien opportun u l-firxiet ġenerali ta' żidiet fil-prezzijiet indikattivi fl-Ewropa. F’ċerti okkażjonijiet, il-membri tal-kartell iddiskutew it-termini tal-kuntratti tagħhom ma' ċerti klijenti Ewropej u qablu li ma jidħlux f’kuntratti ta’ terminu fiss u/jew li ma jikkompromettux il-livelli tal-prezzijiet għall-fini ta’ żieda fil-volumi tal-bejgħ. Huma skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva dwar ix-xejriet tal-kapaċità, tal-produzzjoni u tal-bejgħ relatati mas-suq Ewropew.

(8)

B’kollox, il-kartell dam mit-13 ta’ April 2004 sad-9 ta' Ottubru 2007 (sal-15 ta' Novembru 2006 għal Panasonic).

2.4.   Rimedji

(9)

Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2006 dwar il-Multi (8). Bl-eċċezzjoni ta’ Tecumseh, id-Deċiżjoni timponi multi fuq il-kumpaniji relevanti kollha tal-impriżi elenkati taħt il-punt 2.2 hawn fuq.

2.4.1.   L-ammont bażiku tal-multa

(10)

L-ammont bażiku tal-multa huwa stabbilit għal 17 % tal-bejgħ ta’ kompressuri domestiċi u kummerċjali (massimu ta’ 1,5 HP) mill-impriżi fiż-ŻEE.

(11)

L-ammont bażiku huwa mmultiplikat bin-numru ta’ snin tal-parteċipazzjoni fil-ksur sabiex jiġi kkunsidrat bis-sħiħ it-tul ta' żmien li matulu kull impriża tkun involuta fil-ksur individwalment.

(12)

It-tul tal-involviment tal-impriżi fil-ksur allegat huwa ta’ 3 snin u 5 xhur għal ACC, Danfoss, Embraco u Tecumseh u ta' sentejn u 7 xhur għal Panasonic.

2.4.2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

2.4.2.1.   Ċirkustanzi aggravanti

(13)

M’hemm l-ebda ċirkostanzi aggravanti f’dan il-każ.

2.4.2.2.   Ċirkostanzi mitiganti

(14)

Minħabba ċ-ċirkostanzi mitiganti, tnaqqsu l-multi ta' żewġ impriżi.

(15)

Panasonic tirċievi tnaqqis tal-multa, peress li din il-kumpanija kkontribwiet inqas biex jinżamm il-kartell u l-involviment tagħha fil-ksur kien limitat. Il-multa imposta fuq Embraco titnaqqas minħabba l-kooperazzjoni tagħha barra mill-klemenza, għaliex Embraco pprovdiet lill-Kummissjoni bi provi fir-rigward tal-friġġijiet kummerċjali għal perjodu sostanzjali tal-ksur, u dan wassal biex il-Kummissjoni tqis dak il-perjodu fir-rigward tal-aspett kummerċjali tal-ksur uniku u kontinwu għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa għall-kumpaniji relevanti.

2.4.2.3.   Żieda speċifika ta' deterrenza

(16)

F'dan il-każ, ġie applikat multiplikatur ta' deterrenza għal Panasonic minħabba l-fatturat tagħha madwar id-dinja.

2.4.3.   Applikazzjoni tal-limitu ta' 10 % tal-fatturat

(17)

L-ammont bażiku aġġustat tal-multa ta' ACC jaqbeż l-10 % tal-fatturat totali tagħha. Għalhekk, il-multa ta’ ACC tasal sa 10 % tal-fatturat totali tagħha fl-2010.

2.4.4.   Applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006

(18)

Tecumseh tingħata l-immunità mill-multi. It-tnaqqis tal-multa ingħata lill-impriżi l-oħra kif ġej: Panasonic 40 %, ACC 25 %, Embraco 20 % u Danfoss 15 %.

2.4.5.   Applikazzjoni tan-Notifika ta’ Riżolviment

(19)

Bħala riżultat tal-applikazzjoni tan-Notifika ta’ Riżolviment, l-ammont tal-multa li għandu jiġi impost fuq ACC, Embraco, Danfoss u Panasonic jitnaqqas b’10 %.

2.4.6.   Kapaċità li jsir il-ħlas

(20)

Waħda mill-impriżi f'dan il-każ invokat l-inkapaċità tagħha li tħallas skont il-punt 35 tal-Linji Gwida tal-2006 dwar il-metodu ta' ffissar tal-multi. Il-Kummissjoni rrevediet din l-applikazzjoni u analizzat bir-reqqa d-dejta finanzjarja disponibbli. Bħala riżultat ta' din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni aċċettat l-applikazzjoni u naqqset il-multa.

3.   MULTI IMPOSTI MID-DEĊIŻJONI

(21)

Ġew imposti l-multi li ġejjin, għall-ksur uniku u kontinwu ttrattat f’din id-Deċiżjoni:

(a)

Għal Tecumseh Products Company Inc., Tecumseh do Brasil Ltda. u Tecumseh Europe S.A., konġuntement u separatament: EUR 0;

(b)

Għal Appliances Components Companies SpA u Elettromeccanica SpA, konġuntement u separatament: EUR 9 000 000;

(c)

Għal Danfoss A/S u Danfoss Flensburg GmbH (preċedentement Danfoss Compressors GmbH), konġuntement u separatament: EUR 90 000 000;

(d)

Għal Whirlpool SA u Embraco Europe S.r.l., konġuntement u separatament: EUR 54 530 000; u

(e)

Għal Panasonic Corporation (preċedentement Matsushita): EUR 7 668 000.


(1)  B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”). Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma identiċi fis-sustanza. Fejn xieraq, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82, rispettivament, tat-Trattat tal-KE.

(2)  Edizzjoni Speċjali tal-ĠU bil-Malti: Kapitolu 08 Volum 02, p. 205.

(3)  Il-kumpaniji relevanti huma Appliances Components Companies SpA u Elettromeccanica SpA.

(4)  Il-kumpaniji relevanti huma Danfoss A/S u Danfoss Flensburg GmbH (preċedentement Danfoss Compressors GmbH)

(5)  Il-kumpaniji relevanti huma Whirlpool SA u Embraco Europe S.r.l.

(6)  Il-kumpanija relevanti hija Panasonic Corporation

(7)  Il-kumpaniji relevanti huma Tecumseh Products Company Inc., Tecumseh do Brasil Ltda. u Tecumseh Europe SA.

(8)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2 (mhux disponibbli bil-Malti).


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

27.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/8


Deċiżjoni dwar trasferiment ta’ portafoll u rtirar ta’ awtorizzazzjoni wara li saret talba fil-konfront ta': Societatea de Asigurări Chartis România SA

(Pubblikazzjoni magħmula skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' impriżi tal-assigurazzjoni)

2012/C 122/05

Impriża tal-assigurazzjoni

Societatea de Asigurări Chartis România SA (Chartis Insurance Company Romania), li għandha l-uffiċċju reġistrat f’145 Calea Victoriei, 8th floor, Victoria Center Building, Bucharest Sector 1, Romania, reġistrata fl-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ bin-numru J40/700/17.1.1994, Numru ta’ Reġistrazzjoni Uniku 5110314, rappreżentata legalment mis-Sur Mihnea TOBESCU, fil-kapaċità tiegħu ta’ maniġer ġenerali

Data, dħul fis-seħh u natura tad-Deċiżjoni

Deċiżjoni Nru 159 tal-15 ta’ Marzu 2012 li tapprova t-trasferiment tal-portafoll tal-assigurazzjoni minn Societatea de Asigurări Chartis România SA għall-fergħa f’Bukarest ta’ Chartis Europe Ltd London u l-irtirar tal-permess għall-operat mogħti lil Societatea de Asigurări Chartis România SA.

Awtoritajiet kompetenti

Artikolu 11(3) tal-Att Nru 503/2004

Kummissjoni Superviżorja tal-Assigurazzjoni, li għandha l-uffiċċju prinċipali f’18 Str. Amiral Constantin Bălescu, Bucharest Sector 1, Romania, Numru tar-Reġistrazzjoni tat-Taxxa 14045240/1.7.2001

Awtorità superviżorja

Artikolu 11(3) tal-Att Nru 503/2004

Kummissjoni Superviżorja tal-Assigurazzjoni, li għandha l-uffiċċju prinċipali f’18 Str. Amiral Constantin Bălescu, Bucharest Sector 1, Romania, Numru tar-Reġistrazzjoni tat-Taxxa 14045240/1.7.2001

Liġi applikabbli

Liġi Nru 32/2000 dwar l-assigurazzjoni u s-superviżjoni tal-assigurazzjoni, kif emendata


V Avviżi

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

27.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/9


Notifika ta' bidu tal-proċeduri kontra s-sussidji rigward l-importazzjonijiet ta' bajsikils li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2012/C 122/06

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta' Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' bajsikils, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, qegħdin ikunu sussidjati u minħabba f'hekk qegħdin joħolqu dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment tressaq fil-15 ta' Marzu 2012 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Bajsikils (EBMA) (“il-kwerelant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon prinċipali, f'dan il-każ aktar minn 25 %, tat-total tal-produzzjoni ta' bajsikils fl-Unjoni.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott li huwa soġġett għal din l-investigazzjoni huwa bajsikils u roti oħra (inklużi t-triċikli għall-ġarr tal-prodotti iżda esklużi l-uniċikli), mhux motorizzati (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

3.   L-allegazzjoni ta' sussidjar

Il-prodott li allegatament qed jiġi ssussidjat huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), u li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċi NM 8712 00 30 u ex 8712 00 70. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

Il-kwerelant jallega li l-produtturi tal-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bbenefikaw minn għadd ta' sussidji mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Il-kwerelant jallega wkoll li s-sussidji jikkonsistu, inter alia, f'eżenzjonijiet mit-taxxa fuq id-dħul u taxxi diretti oħra (eż. it-taxxa fuq id-dħul preferenzjali tal-kumpaniji għall-industriji tat-teknoloġija għolja u ġodda, l-eżenzjonijiet jew it-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul skont il-programm ta' sentejn eżenti u tlieta bin-nofs (two free/three half programme), l-eżenzjoni jew it-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul lokali għall-“Intrapriżi b'Investiment Barrani (FIEs) produttivi”, it-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul għall-FIEs li jixtru tagħmir prodott domestikament, it-tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul għall-FIEs skont il-lokalità ġeografika, il-politiki fiskali preferenzjali għar-riċerka u l-iżvilupp fl-FIEs, il-krediti tat-taxxa fuq id-dħul għall-kumpaniji bi sjieda domestika li jixtru tagħmir prodott domestikament, il-programm ta' eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul għall-FIEs orjentati lejn l-esportazzjoni, il-programm ta' rifużjoni tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji għal riinvestiment tal-profitti tal-FIEs f'intrapriżi orjentati lejn l-esportazzjoni), eżenzjonijiet mit-tariffi u mit-taxxa indiretta (eż. l-eżenzjonijiet mill-VAT u mit-tariffi fuq it-tagħmir importat, it-tnaqqis mill-VAT fuq it-tagħmir prodott domestikament, l-eżenzjoni mit-taxxi tal-manutenzjoni u tal-kostruzzjoni u mis-soprataxxi fuq l-edukazzjoni għall-FIEs), self preferenzjali u sussidji fuq ir-rati tal-imgħax (eż. is-self politiku b'imgħax baxx mogħti mill-Banek Kummerċjali Statali u mill-banek tal-Politika tal-Gvern), provvista ta' oġġetti mill-gvern għal ħlas inqas minn adegwat (eż. l-għoti tad-drittijiet ta' inputs ta' materja prima, elettriku u użu tal-art), programmi ta' għotjiet (eż. it-Tianjin Cycle Industry Park Development Assistance Fund, it-Tianjin Binhai New Area Special Development and Construction Assistance Fund, il-Premjijiet għall-Marki Famużi) kif ukoll programmi ta' Żona ta' Żvilupp Ekonomiku (EDZ) (eż. mogħtija minn Tianjin Binhai New Area, Tinajin Jinghai EDZ, Tianjin Economic-Technological Development Area, Da Gang EDZ, Wu Qing EDZ, Dongguan South China Industry Park).

Il-kwerelant jallega wkoll li l-iskemi ta' hawn fuq huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew minn Gvernijiet reġjonali oħra (inklużi l-entitajiet pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lir-riċevituri, jiġifieri lill-produtturi esportaturi tal-prodott li qed jiġi investigat. Huwa allegat li dawn huma kontinġenti fuq il-prestazzjoni tal-esportazzjoni, u/jew fuq l-użu ta' prodotti domestiċi fuq dawk importati u/jew limitati għal ċerti tipi ta' intrapriżi u/jew reġjuni, u għalhekk huma speċifiċi u kumpensatorji.

4.   L-allegazzjoni ta' dannu

Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b'mod ġenerali f'termini assoluti u żdiedu f'termini ta' sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li pprovda l-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat li kien hemm effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f'isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta' proċedura, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat huwiex qed jiġi ssussidjat u jekk dan is-sussidju kienx ta' dannu għall-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-għoti ta' sussidji

Il-produtturi esportaturi (2) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

(a)   It-teħid ta' kampjuni

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta' produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f'din il-proċedura, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif, mitlub fl-Anness A ma' din in-notifika, dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista' tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi magħrufa kollha, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk dan ikun xieraq, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula biex ikunu fil-kampjun, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, il-kost tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat lill-Unjoni.

Il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw”) mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku. Mingħajr preġudizzju għat-taqsima 5.1.1.(b) hawn taħt, id-dazju kumpensatorju li jista' jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li jikkooperaw, ma għandux jaqbeż il-marġni medju peżat tas-sussidjar stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (3).

(b)   Il-marġni ta' sussidju individwali għall-kumpaniji li mhumiex inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġnijiet ta' sussidju individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġni ta' sussidju individwali għandhom jitolbu kwestjonarju u formoli oħrajn ta' talba applikabbli u jibagħtuhom lura mimlija kif meħtieġ fl-iskadenzi stipulati fis-sentenza li ġejja. Il-kwestjonarju mimli għandu jiġi ppreżentat fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni ta' sussidju individwali għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista' xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta' sussidju individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta' produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma tkunx tippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.1.2.   L-investigazzjoni ta' importaturi mhux relatati  (4)  (5)

L-importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f'din l-investigazzjoni.

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta' importaturi mhux relatati involuti f'din il-proċedura u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista' tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu hekk fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif, mitlub fl-Anness B ma' din in-notifika, dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta' importaturi li mhumiex relatati, il-Kummissjoni tista' tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-importaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti ieħor rigward l-għażla tal-kampjun, għajr it-tagħrif mitlub hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' bejgħ fl-Unjoni tal-prodott investigat, li jista' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati kollha magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' importaturi. Dawn il-partijiet għandhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dannu u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Id-determinazzjoni tad-dannu hi msejsa fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet issussidjati, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta' dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

Fid-dawl tal-għadd kbir ta' produtturi tal-Unjoni involuti f'din il-proċedura u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi stabbiliti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta' kampjuni”). It-teħid ta' kampjuni jitwettaq skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-fajl li jinkludi d-dettalji jinsab għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (sabiex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji tal-kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 ta' hawn taħt). Il-produtturi l-oħra tal-Unjoni, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi tagħrif rilevanti fir-rigward tal-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha u/jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni se jkunu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji li finalment se jintgħażlu biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom iressqu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju se jitlob tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija/i tagħhom, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija/i, l-attivitajiet tal-kumpanija/i fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, il-kost tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta' sussidjar u dannu kkawżat minnu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta' miżuri kumpensatorji tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom fil-limitu tal-iskadenza ta' hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni bit-tagħrif dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. It-tagħrif jista' jingħata jew f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif mogħti skont l-Artikolu 31 se jitqies biss jekk meta jiġi ppreżentat ikun sostnut b'evidenza fattwali.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' din in-notifika, il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jippreżentaw fehmiethom, iressqu t-tagħrif u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta' smigħ mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ għandha titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    L-istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f'din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali, għandhom ikunu mmarkati “Ristrett” (6).

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali ta' dan skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex tkun tista' tinftiehem b'mod raġonevoli s-sustanza tat-tagħrif ippreżentat b'mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista' jitwarrab.

Il-partijiet interessati jeħtieġ li jagħmlu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kull Prokura, kull ċertifikazzjoni ffirmata, u kull aġġornament tagħhom, li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju għandhom jiġu sottomessi f'għamla ta' dokument, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Jekk xi parti interessata ma tkunx tista' tagħti s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, din għandha tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku. Għal aktar tagħrif dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-web rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Faks +32 22985353

Posta elettronika

:

TRADE-AS589-BICYCLES-A@ec.europa.eu

(biex jintuża mill-esportaturi, l-importaturi relatati, l-assoċjazzjonijiet u r-rappreżentanti tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina)

TRADE-AS589-BICYCLES-B@ec.europa.eu

(biex jintuża mill-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi mhux relatati, l-utenti, il-konsumaturi, l-assoċjazzjonijiet fl-Unjoni)

6.   In-nuqqas ta' kooperazzjoni

F'każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b'mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieq, it-tagħrif jista' jitwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jitħaddmu b'mod sħiħ.

It-talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet li għalihom tkun qiegħda ssir. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istadju inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, għandha tiġi sottomessa talba għal smigħ fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, is-sussidjar, id-dannu, ir-rabta ta' kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Dan is-smigħ, bħala regola, isir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba' ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar tagħrif u għad-dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fil-websajt tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B'konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa' xhur mill-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (7).


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament jew permezz ta' parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(3)  Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, kull ammont null u minimu ta' sussidji kumpensatorji u kull ammont ta' sussidji kumpensatorji stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, għandhom jitwarrbu.

(4)  Jistgħu jintgħażlu għall-kampjun biss importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala sħab fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew tat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jinsabu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien, direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) miżżewġin, (ii) ġenituri u wlied, (iii) aħwa (sew jekk ulied l-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri u wlied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F'dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(5)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tas-sussidjar.

(6)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(7)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS A

Image

Image

Image


ANNESS B

Image

Image


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

27.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/19


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6339 – Freudenberg & CO/Trelleborg/JV)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 122/07

1.

Fit-2 ta’ April 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi Freudenberg & Co. KG (“Freudenberg”, il-Ġermanja) u Trelleborg AB (“Trelleborg”, l-Isvezja), jakkwistaw fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll konġunt ta’ kumpanija stabbilita ġdida (li tikkostitwixxi impriża konġunta) Trelleborg Vibracoustic (“TVJV”, il-Ġermanja) permezz tax-xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Freudenberg: l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ washers, komponenti ta’ teknoloġija tal-vibrazzjoni, filters, nonwovens, release agents, lubrikanti ta' speċjalità u prodotti tal-mekatronika,

għal Trelleborg: il-manifattura ta’ sistemi ta’ antivibrazzjoni għal użu fis-settur awtomottiv u dak industrijali, prodotti u soluzzjonijiet għas-soppressjoni tal-ħsejjes fil-vetturi, sistemi ta’ roti, sistemi ta’ fluwidi industrijali u soluzzjonijiet ta’ inġinerija bbażatu fuq materjali tal-polimer,

għal TVJV: l-iżvilupp, il-manifattura u l-bejgħ ta’ sistemi ta’ antivibrazzjoni għall-karozzi, karozzi tal-linja u trakkijiet.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6339 – Freudenberg & CO/Trelleborg/JV, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

27.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 122/20


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2012/C 122/08

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“CABRITO TRANSMONTANO”

Nru tal-KE: PT-PDO-0117-0225-10.03.2011

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda:

Isem tal-prodott

Image

Deskrizzjoni tal-prodott

Image

Żona ġeografika

Image

Prova tal-oriġini

Image

Metodu tal-produzzjoni

Rabta

Image

Tikkettar

Rekwiżiti nazzjonali

Oħrajn (għandhom ikunu speċifikati)

2.   Tip ta’ emenda:

Emenda għad-Dokument Uniku jew is-Sinteżi

Image

Emenda għall-ispeċifikazzjoni tad-DPO u l-IĠP irreġistrati li għaliha la d-Dokument Uniku u l-anqas is-Sinteżi ma ġew ippubblikati

Emenda għall-ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Emenda temporanja għal Speċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri obbligatorji sanitarji jew fitosanitarji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda (emendi):

1.   Definizzjonijiet

L-isem “Cabrito Transmontano” jirreferi għall-karkassa/laħam ta’ annimali tar-razza tal-mogħoż Serrana, irġiel jew nisa, imwielda minn annimali mdaħħla fir-Reġistru Żootekniku u/jew fil-ktieb tal-merħliet għal dik ir-razza, mitmugħa l-ħalib tal-omm, ta’ etajiet bejn 30 u 90 jum u mrobbija fi 13-il muniċipalità taż-żona tal-oriġini tiegħu/tagħha.

2.   Żona ġeografika

Estensjoni taż-żona ġeografika: Il-muniċipalitajiet ta’ Alijó, Vimioso u Bragança (is-suddiviżjonijiet ta’ Quintela de Lampaças, Santa Comba de Rossas, Failde, Mós, Grijó de Parada, Parada, Pinela, Salsas, Serapicos, Coelhoso, Calvelhe, Paradinha Nova, Macedo do Mato, Iseda u Sendas biss) għandhom jiġu inklużi.

3.   Perjodu ta’ kummerċjalizzazzjoni

Il-perjodu ta’ kummerċjalizzazzjoni għandu jiġi estiż biex ikopri s-sena kollha (biex jinkludi Mejju, Settembru, Ottubru u Novembru).

4.   Piż tal-karkassa

Il-firxa tal-piżijiet tal-karkassa tal-“Cabrito Transmontano” għandha tiġi estiża, u għandha tkun bejn 4 kg u 9 kg minflok bejn 5 kg u 9 kg.

5.   Awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-karkassa imkessħa jew iffriżata bħala kwart ta’ karkassa jew fi kwalunkwe daqs tal-porzjonijiet

Il-kummerċjalizzazzjoni tal-karkassa ma għandhiex tkun biss ta’ karkassa sħiħa jew ta’ nofs karkassa iżda għandha tkun tista’ titqatta’ wkoll fi kwartijiet jew fi kwalunkwe daqs ieħor tal-porzjonijiet.

6.   Awtorizzazzjoni biex il-karkassa tiġi ffriżata għal perjodu massimu ta’ sitt xhur soġġetta għall-obbligu li fuq it-tikketta tidher referenza għall-fatt li l-prodott huwa wieħed iffriżat.

7.   L-ippakkjar ikun obbligatorju meta l-karkassa tinbiegħ sħiħa, fi kwartijiet jew fi kwalunkwe porzjon iżgħar.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“CABRITO TRANSMONTANO”

Nru tal-KE: PT-PDO-0117-0225-10.03.2011

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Cabrito Transmontano”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz:

Il-Portugall

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.1

Laħam frisk (u l-ġewwieni)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1):

L-isem “Cabrito Transmontano” jirreferi għall-karkassa/laħam ta’ annimali tar-razza tal-mogħoż Serrana, irġiel jew nisa, imwielda minn annimali mdaħħla fir-Reġistru Żootekniku u/jew fil-ktieb tal-merħliet għal dik ir-razza, mitmugħa l-ħalib tal-omm, ta’ etajiet bejn 30 u 90 jum u mrobbija fi 13-il muniċipalità taż-żona tal-oriġini tiegħu/tagħha.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Il-mogħoż jieklu l-pjanti salvaġġi, b'mod partikolari pjanti li jkun hemm f'żoni mhux ikkultivati, art moxa u art mistrieħa. Imriegħi koperti bis-siġar (ir-rimi u l-weraq annwali ta' ċerti siġar) u bl-arbuxxelli (ta' tipi differenti bħall-ġummar, il-varjetajiet tal-ġummar u l-carquexia (Pterospartum tridentatum) huma dawk ippreferuti mill-mogħoż Serrana u dawn jistgħu jipprovdu 90 % tal-ħtiġijiet nutrizzjonali tagħhom, jekk jitħallew jieklu skont il-preferenza tagħhom.

Il-gidjien jiġu mitmugħa l-ħalib tal-omm.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

Lokalizzazzjoni tal-azjendi agrikoli, it-trobbija u l-qtil tal-annimali

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

L-ippakkjar huwa obbligatorju meta l-karkassa tiġi kkumerċjalizzata fi kwartijiet jew f’daqsijiet oħra tal-porzjonijiet.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

It-tikketta li għandha titwaħħal fil-parti tas-sieq (għall-kummerċjalizzazzjoni tal-karkassa sħiħa jew ta’ nofs il-karkassa) għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

D.P.O. “Cabrito Transmontano”

L-ippakkjar huwa obbligatorju għall-kummerċjalizzazzjoni tal-kwartijiet u ta’ daqsijiet oħra tal-porzjonijiet tal-karkassa u t-tabella jeħtieġ li jkollha t-test ta’ hawn fuq.

Għall-prodott iffriżat, it-tikketta trid tiddikjara wkoll b’mod ċar li l-prodott huwa ffriżat.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni tal-oriġini tal-“Cabrito Transmontano” tinkludi l-muniċipalitajiet ta’ Mirandela, Macedo de Cavaleiros, Alfândega da Fé, Carrazeda de Ansiães, Vila Flor, Torre de Moncorvo, Freixo de Espada à Cinta, Mogadouro, Vimioso e Bragança (is-suddiviżjonijiet amministrattivi ta’ Quintela de Lampaças, Santa Comba de Rossas, Failde, Mós, Grijó de Parada, Parada, Pinela, Salsas, Serapicos, Coelhoso, Calvelhe, Paradinha Nova, Macedo do Mato, Iseda u Sendas biss) tad-Distrett ta’ Bragança; u l-muniċipalitajiet ta’ Alijó, Valpaços u Murça tad-Distrett ta’ Vila Real.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Fir-rigward tas-sitwazzjoni ġeografika u l-kundizzjonijiet topografiċi u klimatiċi, ir-reġjun ta’ Trás-os-Montes jeħtieġ li jiġi identifikat peress li din id-DPO tkopri aktar minn terz tar-reġjun, li huwa suddiviż fiż-żewġ distretti li ġejjin: Bragança u Vila Real.

Din iż-żona fir-reġjun ta’ Trás-os-Montes tinkludi 447 600 ettari ta’ fissuri, widien profondi u mgħawra u plateaux.

Il-baċir tax-xmara Douro jiddomina r-reġjun kollu, fejn it-tributarji tan-naħa tal-lemin tax-xatt tagħha jiġifieri x-xmajjar Sabor, Tua, Pinhão u Corgo, u t-tributarji tan-naħa tax-xellug tax-xatt tagħha jiġifieri x-xmajjar Águeda, Côa, Távora u Varosa, jifirdu r-ringieli tal-muntanji paralleli mal-linja tal-kosta li xi drabi jilħqu għoli ta’ 1 500 m ’il fuq mil-livell tal-baħar.

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-baċir tat-tieni l-akbar xmara tal-peniżola Iberjana fil-Portugall jikkonferixxu lis-settur kollu karatteristiċi li huma tassew speċjali u xi drabi uniċi fid-dinja, u jagħtu lok għal klima inkredibbli kif ukoll għal diversità kulturali u anke umana (LAGE, 1985).

Dawn ir-ringieli ta’ muntanji tul il-linja tal-kosta jipproteġu ż-żona mill-irjieħ tal-baħar sabiex jonfħu b’anqas saħħa fl-intern tal-pajjiż, u gradwalment iżidu l-influwenza tal-klima kontinentali. F’direzzjoni mit-Tramuntana għan-Nofsinhar lejn id-Douro, l-influwenzi tal-klima Mediterranja jinħassu saħansitra aktar.

Hemm korrelazzjoni stretta bejn l-istruttura ġeoloġika u litologika, it-terren, il-klima u l-morfoloġija tal-art. Il-ħamrija tar-reġjun tinħoloq primarjament mill-granit, is-skistu u l-graywacke (ġebla ramlija skura) b’konsistenza tal-lom u tar-ramel.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

It-trobbija tal-mogħoż fis-settur tal-produzzjoni tal-laħam tal-gidjien hija attività importanti fit-13-il muniċipalità (fil-muniċipalità ta’ Bragança fil-15-is suddiviżjoni amministrattiva msemmija hawn fuq biss) koperti b’din id-DPO, li jistgħu jitqiesu bħala l-aktar rurali u marġinali u li għandhom l-aktar standards baxxi tal-għajxien, u li sofrew l-ogħla tnaqqis fil-popolazzjoni fl-aħħar deċennju. Il-produzzjoni tal-laħam tal-mogħoż f’dawn iż-żoni hija strettament relatata maċ-ċiklu klimatiku u mal-istil tal-ħajja tal-bidwi, imċaħħad minn kull influwenza esterna, li jrabbi l-annimali daqslikieku kienu fl-ambjent naturali tagħhom (sistema ta’ produzzjoni estensiva tradizzjonali).

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Il-kundizzjonijiet agroambjentali taż-żoni tal-muntanji tar-reġjun ta’ Trás-os-Montes, flimkien mal-karatteristika speċifika ta’ din ir-razza qadima ferm, li tant hija adattata tajjeb għal dan ir-reġjun Portugiż, għenu biex il-“Cabrito Transmontano” jiddistingwi ruħu abbażi tal-kwalità organolettika tal-laħam tiegħu, bħall-benna, it-tarizza, it-togħma u r-riħa tiegħu kif ukoll kemm huwa mmerraq.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.gpp.pt/Valor/DOP_IGP_ETG.html


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.