ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.113.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 113

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
18 ta' April 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

L-94 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Frar 2012

2012/C 113/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2012, dwar L-Abbozz ta’ Trattat dwar l-istabbiltà, il-koordinazzjoni u l-governanza fl-unjoni ekonomika u monetarja

1

2012/C 113/02

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Is-sitwazzjoni taċ-Ċentri tal-Informazzjoni Europe Direct

5

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

L-94 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Frar 2012

2012/C 113/03

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

7

2012/C 113/04

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Aġenda Ewropea rinnovata għall-Integrazzjoni

11

2012/C 113/05

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ġejjieni tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura

17

2012/C 113/06

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar ir-REKT

22

2012/C 113/07

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-faqar fost it-tfal

34

2012/C 113/08

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali — prospettivi għall-ġejjieni

40

2012/C 113/09

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja

45

2012/C 113/10

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Inżidu l-impatt tal-politika tal-UE għall-iżvilupp: Aġenda għall-Bidla

52

2012/C 113/11

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pakkett leġiżlattiv dwar id-drittijiet tal-vittmi

56

2012/C 113/12

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-iżvilupp ta’ kultura Ewropea ta’ governanza f’diversi livelli: Segwitu tal-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni

62

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

L-94 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Frar 2012

18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2012, dwar “L-Abbozz ta’ Trattat dwar l-istabbiltà, il-koordinazzjoni u l-governanza fl-unjoni ekonomika u monetarja” (1)

2012/C 113/01

Imressaq mill-Gruppi Politiċi tal-PPE, PSE, ALDE u AE

Wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat tar-Reġjuni huwa konxju mill-impikazzjonijiet diretti li t-Trattat futur dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “it-Trattat il-ġdid”) ser ikollu għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea.

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

I.   Dwar it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja

1.

jimpenja ruħu bis-sħiħ li jagħti sehmu sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-kriżi attwali u jappoġġja l-isforzi li qed isiru biex tiġi żviluppata koordinazzjoni u governanza aħjar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja bil-għan li tiġi indirizzata r-reċessjoni u l-kriżi tad-dejn sovran, billi jiġu ggarantiti finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli;

2.

jenfasizza li apparti dixxiplina baġitarja aktar severa u tnaqqis ċar tal-livelli ta’ dejn għandu jkun hemm ukoll miżuri rapidi għat-tkabbir u l-koeżjoni territorjali, li jkunu kapaċi jistimolaw il-ħolqien tal-impjiegi u l-impjieg sostenibbli sabiex b’hekk jinħolqu l-kundizzjonijiet għar-rilanċ tal-ekonomija Ewropa u jiġi ssalvagwardjat il-ġejjieni tal-proġett tal-integrazzjoni Ewropea;

3.

jiddispjaċih li tfassal Trattat ġdid ’il barra mill-qafas eżistenti tal-liġi primarja tal-UE u bl-involviment minimu tal-Parlament Ewropew, fi proċess iddominat minn negozjati intergovernattivi u dwar kwistjonijiet li jista’ jingħad kienu diġà ġew indirizzati permezz tal-leġislazzjoni tal-UE skont il-proċeduri demokratiċi normali tal-Unjoni;

4.

jibqa’ impenjat lejn il-“metodu Komunitarju” bħala l-aktar mod leġittimu biex l-Unjoni Ewropea tinbena bħala spazju politiku komuni;

5.

ifakkar fil-ħtieġa urġenti li l-UE tikseb mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadini tagħha u li tistabbilixxi mill-ġdid it-tkabbir ekonomiku filwaqt li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

6.

jitlob li t-Trattat il-ġdid jirreferi b’mod ċar għar-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u jappella biex il-kompetenzi legali tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-kwistjonijiet tal-governanza ekonomika jiġu rikonoxxuti;

7.

jenfasizza li l-proposti tar-“regola tad-deheb” dwar il-bilanċ tal-kontijiet pubbliċi proposta mill-Partijiet Kontraenti jikkonċernaw mhux biss il-finanzi pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-gvernijiet ċentrali iżda ser ikollhom ukoll impatt fuq il-baġits pubbliċi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

8.

jappoġġja integrazzjoni ekonomika aktar profonda u aktar sinerġiji bejn il-bagits lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE b’konformità mal-kompetenzi legali tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fir-rigward tal-awtonomija finanzjarja;

9.

huwa favur aġenzija ta’ klassifikazzjoni Ewropea li tkun indipendenti u oġġettiva, bil-għan li dawn it-tipi ta’ aġenziji jsiru aktar effiċjenti, responsabbli u affidabbli għall-analiżi li jipprovdu dwar il-finanzi pubbliċi u anke dwar l-obbligi ta’ dejn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej; dan għandu wkoll jibbilanċja d-dominanza attwali tal-għadd żgħir ta’ aġenziji ta’ klassifikazzjoni eżistenti u joħloq trasparenza ikbar fuq il-valutazzjonijiet tal-klassifikazzjonijiet;

10.

jappella lill-Kummissjoni tqis l-istat tal-finanzi pubbliċi reġjonali u lokali fl-eżerċizzju tagħha ta’ monitoraġġ annwali tal-finanzi pubbliċi nazzjonali fl-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li dwarhom il-KtR jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu;

In-natura legali tat-Trattat il-ġdid u l-proċess ta’ negozjar:

11.

iħeġġeġ il-Partijiet Kontraenti jiżguraw il-koerenza u l-preminenza tal-liġi Ewropea u jintegraw is-sostanza tat-Trattat il-ġdid fit-Trattati tal-UE mhux aktar tard minn ħames snin wara li jidħol fis-seħħ;

12.

iqis li t-Trattat intergovernattiv il-ġdid m’għandu jinkludi l-ebda mekkaniżmu ta’ sanzjoni li jkun marbut direttament mal-allokazzjonijiet baġitarji għall-politiki tal-UE, bħall-politika ta’ koeżjoni; ifakkar li huwa jopponi kull forma ta’ kundizzjonalità makroekonomika li tista’ tikkastiga lill-awtoritajiet lokali u reġjonali għad-deċiżjonijiet ekonomiċi u baġitarji li jieħdu l-gvernijiet nazzjonali;

13.

jiddispjaċih li ma kienx possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi kkonsultata dwar jekk il-ftehim internazzjonali ppjanat huwiex kompatibbli mat-Trattati tal-UE u dwar ir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

14.

jenfasizza li ħafna mill-miżuri proposti mit-Trattat il-ġdid diġà jinsabu fl-hekk imsejjaħ “Six-Pack” ta’ miżuri maħsuba biex jirrinfurzaw il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, jew inkella setgħu ġew adottati bħala komplement għalih;

15.

jitlob li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat il-ġdid, tiġi konkluża Konvenzjoni bil-għan li s-sostanza tat-Trattat il-ġdid tiġi inkorporata fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea; iqis li huwa ta’ importanza kruċjali li l-KtR bħala l-assemblea tal-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġi involut f’din il-bidla futura tat-Trattati skont il-“proċedura ordinarja”.

Rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-kontenut tat-Trattat il-ġdid:

16.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-għan li tiġi żviluppata “koordinazzjoni dejjem aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi” u jtenni bil-qawwa r-rwol ċentrali li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jaqdu fl-ekonomija Ewroprea (2); għalhekk, iħeġġeġ lill-Partijiet Kontraenti:

a)

jinkludu referenza fit-Trattat il-ġdid sabiex jiġu rikonoxxuti l-kompetenzi legali tal-awtoritajiet reġjonali u lokali għal oqsma sostanzjali tal-finanzi pubbliċi u l-governanza ekonomika, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà bħalma huwa previst fit-Trattati tal-UE;

b)

jiżguraw li l-“pjani għall-ħruġ ta’ dejn”, il-“programmi ta’ sħubija ekonomika” u l-“impenji tal-Patt Euro Plus” jitfasslu kollha kemm huma fl-Istati Membri fi sħubija mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali permezz ta’ arranġamenti sodi ta’ governanza f’diversi livelli  (3);

c)

jikkonsultaw lill-awtoritajiet reġjonali u lokali qabel kull laqgħa tas-summit taż-Żona tal-Euro, meta dan ikun adatt;

d)

jinvolvu lill-KtR fil-konferenzi futuri kif imsemmi fit-Trattat il-ġdid, bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ governanza ekonomika; u jenfasizzaw li l-parlamenti nazzjonali għandhom jikkonsultaw il-parlamenti reġjonali rilevanti tagħhom u, meta jkun adatt, jinvolvuhom;

e)

jestendu d-dispożizzjoni dwar ir-rispett tar-responsabbiltajiet tal-parlamenti nazzjonali għall-parlamenti reġjonali li għandhom poteri leġislattivi;

f)

jiżguraw li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jingħataw il-possibbiltà li jikkontribwixxu għall-iskambju tal-aħjar prattiki dwar ir-riformi l-kbar tal-politika ekonomika filwaqt li jħallu lok għal sistema ta’ progress fil-benchmarking;

g)

jinnotaw li l-obbligu legali li r-rekwiżit li l-baġits tal-gvernijiet ċentrali jkunu bilanċjati jew pożittivi (ir-regola ta’ baġit bilanċjat) jiġi traspost fil-liġi nazzjonali għandu implikazzjonijiet baġitarji serji għall-awtoritajiet reġjonali u lokali;

h)

ikunu konxji li hemm riskju li l-implimentazzjoni ta’ regola bħal din mingħajr li fl-istess ħin jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ governanza f’diversi livelli u ta’ sħubija tibda proċess ġdid ta’ ċentralizzazzjoni fil-livell nazzjonali permezz ta’ koordinazzjoni baġitarja minn fuq għal isfel irrinfurzata bejn l-Istati Membri.

II.   Lejn konsolidazzjoni li tiffavorixxi t-tkabbir u tkabbir li jiffavorixxi l-impjiegi

17.

jenfasizza li 94,5 % tal-baġit tal-UE huwa essenzjalment iddedikat għall-investiment fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u jisħaq fuq il-bżonn ta’ integrazzjoni fiskali u ekonomika aktar profonda u fuq is-sinerġiji bejn il-baġits reġjonali, lokali, nazzjonali u tal-UE;

18.

jisħaq fuq il-valur miżjud kbir tal-politika ta’ koeżjoni, mhux l-anqas l-effett ta’ lieva tagħha għall-investimenti fit-tkabbir u l-impjiegi f’reġjuni li qed jippruvaw jirkupraw u jindika li l-prijoritajiet attwali tal-Fondi Strutturali ma jirrikjedux orjentazzjoni ġdida, iżda proċedura msaħħa sabiex l-impenn u l-ħlas tal-fondi jseħħu b’pass aktar mgħaġġel u jkunu aktar effiċjenti, kif ukoll permezz tat-tisħiħ tal-bini tal-kapaċitajiet tal-benefiċjarji;

19.

jitlob li kwalunkwe deċiżjoni dwar l-allokazzjoni mill-ġdid tal-Fondi Strutturali mhux impenjati tiġi adattata għas-sitwazzjoni soċjoekonomika speċifika ta’ kull reġjun, fir-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. F’dan il-kuntest, il-prijoritajiet iridu jiġu definiti mill-imsieħba rilevanti kollha, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

20.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea u ’l-gvernijiet ċentrali sabiex, f’każ li l-fondi mill-politika ta’ koeżjoni jiżguraw li jiġu allokati mill-ġdid, l-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu involuti bis-sħiħ fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ġodda ta’ politika sabiex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir u sabiex jiġi evitat li l-politiki jiġu nazzjonalizzati mill-ġdid;

Nistimolaw l-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ

21.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-assistenza tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu tar-riżorsi mhux impenjati tal-Fondi Strutturali u beħsiebu jikkontribwixxi b’mod proattiv għal din l-inizjattiva b’rakkomandazzjonijiet ta’ politika u l-iskambju tal-aħjar prattiki żviluppati fil-livell reġjonali u lokali fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u bl-għarfien espert dwar l-aħjar użu possibbli tal-Fondi Strutturali;

22.

jitlob li l-miżuri addizjonali kollha għall-pjani nazzjonali dwar l-impjiegi jiġu adottati bi sħubija mal-awtoritajiet reġjonali u lokali; japprova l-idea mressqa mill-Kummissjoni li fil-qalba ta’ kull pjan nazzjonali dwar l-impjiegi jkun hemm “Garanzija għaż-żgħażagħ” li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jinsabu f’sitwazzjoni ta’ impjieg, taħriġ jew edukazzjoni fi żmien erba’ xhur wara li jkunu telqu mill-iskola; jipproponi li l-“intraprenditorija żagħżugħa” tiġi promossa aktar bħala karriera possibbli għaż-żgħażagħ;

23.

jisħaq fuq il-valur miżjud potenzjali tal-programm “Progress għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali”, bil-kundizzjoni li dan il-programm issir komunikazzjoni tajba dwaru, ikun aċċessibbli għall-benefiċjarji u jkun orjentat lejn miżuri strutturali sostenibbli fuq perjodu twil.

Inwettqu s-Suq Uniku u nistimolaw il-finanzjament tal-ekonomija, b’mod partikolari l-SMEs:

24.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kunsill Ewropew li jieħu passi dwar il-proposti tal-Kummissjoni dwar is-Suq Uniku mill-aktar fis, b’mod partikolari l-modernizzazzjoni tal-qafas leġislattiv tal-UE dwar l-akkwist pubbliku b’konformità mal-għanijiet tal-Ewropa 2020;

25.

itenni r-rwol ċentrali li jaqdu l-SMEs fl-ekonomija reġjonali u lokali; iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ miżuri addizzjonali għall-promozzjoni ta’ ambjent favorevoli għall-SMEs fl-Ewropa, speċjalment fir-rigward tal-aċċess tal-SMEs għall-kapital ta’ riskju;

26.

jappella għall-ħolqien ta’ “Sħubijiet ‘Small Business Act’” biex is-“Small Business Act” (SBA) ikompli jiġi implimentat fil-livell reġjonali; jenfasizza l-importanza tal-premju “Reġjun Intraprenditorjali Ewropew” li l-KtR nieda fl-2010 bħala netwerk ta’ reġjuni li jiżviluppaw strateġiji reġjonali adatti biex jistimolaw l-intraprenditorija u jisfruttaw il-potenzjal innovattiv tan-negozji;

27.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-leġislazzjoni kollha l-ewwel tkun soġġetta għal analiżijiet komprensivi tal-impatt territorjali;

28.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-użu ta’ fażi pilota għall-“Inizjattiva tal-Bonds Ewropa 2020 għall-Proġetti” fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020.

III.   Kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa: wasal iż-żmien li tingħeleb il-“lakuna fis-sħubija” sabiex tiġi implimentata l-Istrateġija Ewropa 2020

29.

jilqa’ r-rikonoxximent tal-Parlament Ewropew li l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika nazzjonali, reġjonali u lokali u tal-UE hija element determinanti tal-kompetittività u l-produttività, l-istess kif inhu wkoll il-provvediment effettiv ta’ servizzi ta’ interess ġenerali;

30.

jinsisti li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tingħata dimensjoni territorjali sħiħa u jiddispjaċih li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir imfassal mill-Kummissjoni Ewropea rari jsemmi l-bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma;

31.

jenfasizza li r-rapporti ta’ monitoraġġ tal-KtR dwar l-Ewropa 2020 juru “lakuna fis-sħubija” fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020 jilmenta l-falliment, fil-maġġoranza tal-Istati Membri, li jiżgura li r-reġjuni u l-bliet jipparteċipaw fil-ħin u b’mod adegwat fit-tħejjija tal- Programmi Nazzjonali ta’ Riforma;

32.

jiġbed l-attenzjoni għall-proposta tiegħu dwar il-Patti Territorjali li għandhom jiġu adottati f’kull Stat Membru sabiex jiġu żgurati l-governanza f’diversi livelli u l-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma ibbażata fuq fuq is-sħubija, permezz ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet pubbliċi kollha li huma legalment kompetenti;

33.

jappella lill-Kummissjoni sabiex tipproponi bla dewmien il-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew għall-prinċipju ta’ sħubija fil-politika reġjonali, li għandu jtejjeb l-effettività u l-governanza tal-Istrateġija Ewropa 2020;

34.

ser jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż għall-2012 imfassla mill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2013, sabiex jeżamina bir-reqqa l-livcll ta’ parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali; jitlob lill-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż dwar il-parti tal-istrateġija relatata mal-governanza;

35.

jitlob lill-President tiegħu tibgħat din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri.

Brussell, 16 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Din ir-Riżoluzzjoni hija kontribut tal-KtR għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2012 u tikkunsidra l-abbozz ta’ Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Istqarrija tal-membri tal-Kunsill Ewropew tat-30 ta’ Jannar 2012: “Lejn konsolidazzjoni li tiffavorixxi t-tkabbir u tkabbir li jiffavorixxi l-impjiegi”.

(2)  Ara s-sehem ta’ żewġ terzi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom mill-ammont ta’ investimenti pubbliċi totali fl-UE.

(3)  Dan jista’ jkun obbligu legali mnebbaħ mill-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew futur dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ sħubija fil-qafas tal-politika reġjonali.


18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/5


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Is-sitwazzjoni taċ-Ċentri tal-Informazzjoni Europe Direct”

2012/C 113/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jaħseb li ċ-ċentri tal-informazzjoni Europe Direct huma element importanti fil-politika tal-komunikazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-ħtieġa li ċ-ċittadini jiġu infurmati dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni Ewropea dejjem tikber, u hemm bżonn kbir li l-iżviluppi u l-miżuri marbutin mal-Unjoni Ewropea jiġu ċċarati b’mod kemm jista’ jkun aġġornat u effettiv fuq firxa wiesgħa;

2.

jinnota li bħalissa madwar l-UE jeżistu 480 ċentru tal-informazzjoni Europe Direct, li ħafna drabi huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda li jistgħu jitmexxew ukoll mill-organizzazzjonijiet nongovernattivi;

3.

jifhem li l-għan taċ-ċentri Europe Direct hu, b’mod partikolari, li joħolqu kuxjenza pożittiva dwar l-Ewropa, minbarra li jwasslu informazzjoni ġenerali dwar l-UE u jittrattaw il-mistoqsijiet taċ-ċittadini;

4.

jisħaq li dan l-għan għandu jinkiseb permezz ta’ avvenimenti informattivi u edukattivi, websajts, pubblikazzjonijiet kif ukoll bis-saħħa tal-interazzjoni mal-mezzi tax-xandir lokali;

5.

jenfasizza l-approċċ deċentralizzat użat għaċ-ċentri Europe Direct, li jippermettilhom iwasslu informazzjoni dwar l-Ewropa fit-territorju kollu tagħha, li jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni u, b’hekk, li jissodisfaw b’mod adegwat in-numru dejjem jiżdied ta’ talbiet għal informazzjoni speċifika;

6.

għaldaqstant, jilqa’ b’mod ċar l-impenn tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sinjura Viviane Reding, li tkellmet favur iż-żamma taċ-ċentri tal-informazzjoni Europe Direct u kontra t-tnaqqis tal-livell attwali ta’ finanzjament;

7.

madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-fondi li l-Kummissjoni Ewropea pprovdiet għaċ-ċentri Europe Direct normalment ikopru biss parti żgħira mill-ispejjeż reali tagħhom;

8.

jinnota l-impenn konsiderevoli tal-awtoritajiet reġjonali u lokali f’dak li hu finanzjament, persunal u amministrazzjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet pubbliċi Ewropej;

9.

huwa preokkupat li l-baġits dejjem aktar ristretti ta’ dawk li jmexxu ċ-ċentri tal-informazzjoni Europe Direct jheddu l-kontinwazzjoni tagħhom fit-territorju kollu;

10.

fil-kuntest tas-sejħa għall-offerti li jmiss biex jingħażlu dawk li ser imexxu ċ-ċentri tal-informazzjoni Europe Direct bejn l-2013 u l-2016, jibża’ li sensiela sħiħa ta’ msieħba reġjonali u lokali attwali mhux ser ikunu jistgħu jissoktaw bil-ħidma tagħhom jekk ma tiżdiedx l-għajnuna mill-UE;

11.

jaħseb li hemm ir-riskju li din is-sitwazzjoni twassal għal passi kbar lura fir-rigward tal- komunikazzjoni politika Ewropea mas-soċjetà ċivili;

12.

għalhekk, jistenna li jkun hemm ammont adegwat ta’ fondi mill-UE li jkunu suffiċjenti għall-kompitu importanti ta’ din is-sħubija;

13.

jenfasizza li l-għoti ta’ informazzjoni hu kompitu ġenwin tal-istituzzjonijiet Ewropej għaliex huwa fl-aqwa interess tagħhom stess li jipprovdu għarfien bażiku dwar l-istrutturi u l-politiki tal-Unjoni Ewropea. Dan joħroġ partikolarment ċar mill-użu tal-Artikolu 49(6) tar-Regolament Finanzjarju bħala bażi legali. Il-ħidma taċ-ċentri Europe Direct hi, għalhekk, sottomessa għall-istruzzjonijiet qafas tal-Kummissjoni rigward il-kontenut u t-teknika amministrattiva. Li l-korpi responsabbli mit-tmexxija ta’ dawn iċ-ċentri jħossuhom marbutin mill-għan tal-edukazzjoni u l-informazzjoni dwar il-politika Ewropea u, b’hekk, jagħtu kontributi konsiderevoli għal dan il-għan huwa fattur deċiżiv għas-suċċes taċ-ċentri tal-informazzjoni Europe Direct. F’dan il-kuntest, il-livell tal-finanzjament attwali jidher li jista’ proprju jiżdied;

14.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżid b’mod ċar ir-riżorsi totali disponibbli għaċ-ċentri Europe Direct u biex tirdoppja l-ammont bażiku għal kull ċentru tal-informazzjoni Europe Direct (mill-ammont attwali ta’ EUR 12 000 għal EUR 24 000);

15.

jirrakkomanda li, sabiex jiġu liberati l-kapaċitajiet għall-operat taċ-ċentri, għandhom jitnaqqsu l-esiġenzi burokratiċi. F’dan ir-rigward, għandha tiġi ssemplifikata b’mod partikolari s-sistema modulari għall-amministrazzjoni ta’ ċerti fondi marbutin ma’ għan speċifiku;

16.

itenni li hemm bżonn ċar li l-ħidma taċ-ċentri Europe Direct tissokta mingħajr limiti. Dan ma jirrikjedix biss li jinżamm il-finanzjament attwali, iżda wkoll li jiżdied;

17.

jemmen li ż-żieda fl-użu ta’ riżorsi terzi mhux metodu validu biex tittejjeb is-sitwazzjoni, billi dan jipperikola n-newtralità tal-informazzjoni li tingħata. Barra minn hekk, it-tneħħija tal-fondi ta’ korpi daqstant żgħar bħaċ-ċentri Europe Direct jillimita b’mod konsiderevoli, u saħansitra mhux ġustifikat, il-kapaċitajiet dgħajfa tagħhom;

18.

jinnota b’għajn kritika ż-żieda fil-finanzjament mill-korpi pubbliċi, peress li l-għoti ta’ informazzjoni newtrali dwar kwistjonijiet relatati mal-UE, kif jintqal aktar ’il fuq, huwa oriġinalment kompitu tal-istituzzjonijiet tal-UE;

19.

fl-aħħar, jappella bil-qawwi lill-Kummissjoni Ewropea biex ma tipperikolax l-istrument tajjeb u ta’ suċċess taċ-ċentri Europe Direct billi tnaqqas jew tillimita r-riżorsi baġitarji meħtieġa għal-livell attwali;

20.

jagħti struzzjonijiet lill-President tal-KtR biex tressaq din ir-riżoluzzjoni quddiem il-President tal-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Daniża tal-Kunsill tal-UE.

Brussell, 16 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

L-94 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Frar 2012

18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/7


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji”

2012/C 113/03

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni għal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) fl-UE kif mitlub mill-KtR fil-Programm ta’ Ħidma tiegħu tal-2011;

iqis l-introduzzjoni ta’ sistema Ewropea għal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji bħala pass importanti ieħor lejn il-bżonn urġenti tat-twaqqif mill-ġdid tal-prerogattiva tal-politika demokratika fuq id-diskrepanzi serji li kien hemm fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji;

jenfasizza li t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji hija għodda importanti sabiex jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jagħti sehmu għal aktar solidarjetà u kundizzjonijiet li huma iżjed ġusti, u għat-tnaqqis tal-ispekulazzjoni, hekk kif stqarr il-KtR fl-opinjoni tiegħu dwar il-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid għal wara l-2013;

jappoġġja l-għan tal-applikazzjoni pan-Ewropea tal-armonizzazzjoni proposta u fil-każ li din ma tkunx fattibbli, minkejja l-isforzi kollha li jsiru, jappella għat-twaqqif minnufih ta’ sistema Ewropea ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji bl-użu tal-istrument tal-kooperazzjoni msaħħa, li tkun tapplika mill-inqas fiż-żona tal-euro;

Relatur

Is-Sur CHRISTOFFERS (DE/PSE), Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi u Ewropej tal-Land ta’ Brandenburg

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2008/7/KE

COM(2011) 594 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Messaġġ ġenerali

1.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni għal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) fl-UE kif mitlub mill-KtR fil-Programm ta’ Ħidma tiegħu tal-2011;

2.

iqisha bħala sinjal politiku qawwi tar-rieda u l-kapaċità tal-Unjoni Ewropea li tilqa’ l-isfidi ta’ suq finanzjarju globalizzat u ssaħħaħ bis-sħiħ u b’mod dejjiemi l-potenzjal tal-ekonomiji nazzjonali għall-benefiċċju tal-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħhom;

3.

iqis l-introduzzjoni ta’ sistema Ewropea għal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji bħala pass importanti ieħor lejn il-bżonn urġenti tat-twaqqif mill-ġdid tal-prerogattiva tal-politika demokratika fuq id-diskrepanzi serji li kien hemm fil-funzjonament tas-swieq finanzjarji;

4.

jenfasizza li t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji hija għodda importanti sabiex jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jagħti sehmu għal aktar solidarjetà u kundizzjonijiet li huma iżjed ġusti, u għat-tnaqqis tal-ispekulazzjoni, hekk kif stqarr il-KtR fl-opinjoni tiegħu dwar il-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid għal wara l-2013;

5.

jirrimarka dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikata f’Settembru 2011 u l-mudelli xejn preċiżi, jiġifieri “Dynamic Stochastic General Equillibrium (DSGE)”, li ġew applikati; jenfasizza l-fatt li l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ma waslitx għal konklużjonijiet b’saħħithom iżda minflok żammet id-dibattitu vag u indeċiżiv u ħalliet wisq għażliet possibbli; jikkonkludi li l-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni hija preġudikata u mhux preċiża; jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni għal valutazzjoni tal-impatt ġdida li ser issir dalwaqt;

6.

jenfasizza n-nuqqasijiet evidenti fis-sistema tal-bolla fir-Renju Unit, b’mod partikolari fir-rigward l-immunità tas-sistema kontra r-rilokazzjoni ġeografika ta’ tranżazzjonijiet kif ukoll l-inċentiv qawwi li jingħata sabiex issir bidla lejn id-derivattivi;

Qafas politiku ġenerali

7.

jaqbel mal-Kummissjoni li, fid-dawl tal-ħafna miżuri fiskali nazzjonali mhux koordinati, hemm bżonn l-armonizzazzjoni f’dan il-qasam, biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji, kif ukoll għat-tħaddim tas-suq intern f’dan il-qasam u l-prevenzjoni tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

8.

jilqa’ l-approċċ tal-Kummissjoni lejn l-armonizzazzjoni,

biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet finanzjarji jiġu ntaxxati b’mod adatt meta mqabbel ma’ setturi oħra tal-ekonomija u f’termini tal-kostijiet tal-kriżi reċenti u

biex jinħolqu inċentivi fiskali biex jiskoraġġixxu l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji milli jieħdu sehem fi tranżazzjonijiet li jagħmlu ħsara lill-ekonomija kollha kemm hi u b’hekk jiġu evitati kriżijiet fil-futur;

9.

jappoġġja l-għan tal-applikazzjoni pan-Ewropea tal-armonizzazzjoni proposta u fil-każ li din ma tkunx fattibbli, minkejja l-isforzi kollha li jsiru, jappella għat-twaqqif minnufih ta’ sistema Ewropea ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji bl-użu tal-istrument tal-kooperazzjoni msaħħa, li tkun tapplika mill-inqas fiż-żona tal-euro;

10.

iwissi li, fid-dawl tal-urġenza straordinarja li tiddaħħal sistema komuni Ewropea ta’ TTF, il-korpi leġislattivi tal-Unjoni Ewropea għandhom jagħmlu l-almu tagħhom, b’għaqal u dixxiplina, u fl-istess ħin juru sens kbir tar-responsabbiltajiet politiċi biex il-proċeduri legali jiġu stabbiliti mill-iktar fis;

11.

jilqa’ l-fatt li l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva ser tkun soġġetta għal proċeduri ta’ reviżjoni kontinwi u strutturati permezz tal-obbligu ta’ rappurtar fuq bażi regolari li għandha l-Kummissjoni; madankollu, jiddispjaċih li l-Kummissjoni hija obbligata tirrapporta biss lill-Kunsill, billi dan ma jqisx ir-rwol tal-Parlament Ewropew fil-proċedura leġislattiva, li fiha d-direttiva tiġi adottata mill-Kunsill bil-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew; iqis ukoll li din ir-restrizzjoni tissottovaluta r-rwol tal-Kumitat tar-Reġjuni, bħala l-assemblea politika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea, u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li l-kompitu prinċipali tagħhom skont it-Trattat huwa li jagħtu parir lill-istituzzjonijiet leġislattivi;

12.

jemmen li għandu jitqies il-bżonn, u anke l-impatt potenzjali, tal-introduzzjoni ta’ sistema komuni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għad-dħul fiskali tal-muniċipalitajiet u r-reġjuni;

Suġġett u ambitu tal-applikazzjoni tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

13.

jappoġġja l-irbit tal-obbligu tat-taxxa mal-pajjiż ta’ residenza tal-istituzzjoni finanzjarja; dan l-approċċ regolatorju jnaqqas il-possibbiltajiet li tiġi evitata t-taxxa u jirrifletti aħjar ir-rabtiet bejn is-swieq finanzjarji u l-ekonomija reali milli kieku l-obbligu tat-taxxa kien jiddependi mill-post fejn issir it-tranżazzjoni; jirreferi għall-bżonn li jiġu provduti wkoll regoli li permezz tagħhom jista’ jiġi evitat jew imrażżan l-evitar tat-taxxa permezz ta’ rilokazzjoni jew spin-offs;

14.

jissuġġerixxi li jiġu definiti fid-dettall it-termini “istituzzjonijiet finanzjarji” u “strumenti finanzjarji”;

15.

jappoġġja l-ambitu wiesgħa tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, li fil-prinċipju tapplika għal kull tip ta’ tranżazzjoni fi strumenti finanzjarji, inklużi s-sostituti potenzjali u t-tranżazzjonijiet barra l-Borża;

16.

japprova l-fatt li t-tranżazzjonijiet li jsiru fis-suq primarju ġew eżentati mit-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, billi din tnaqqas l-effetti mhux mixtieqa tat-taxxa fuq l-ekonomija reali; madankollu, jiddispjaċih li t-tranżazzjonijiet tas-suq sekondarju tal-gvern ma ġewx eżentati, billi l-gvernijiet huma obbligati jkollhom rikors għal strumenti finanzjarji fis-swieq sekondarji għall-ġestjoni tal-politika fiskali;

17.

jiddispjaċih li mhux kull xorta ta’ tranżazzjoni tal-munita, ser tkun soġġetta għat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, li jfisser it-telf ta’ dħul potenzjali konsiderevoli filwaqt li jitnaqqas ukoll l-impatt regolatorju tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji; huwa tal-fehma li t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet tal-munita, fil-qafas ta’ taxxa komprensiva fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, mhux ser ixxekkel il-moviment ħieles tal-kapital, billi t-TTF, bl-ambitu wiesa’ tagħha, ma tkunx immirata lejn id-dimensjoni transkonfinali tat-tranżazzjonijiet tal-munita iżda sempliċement tintaxxahom bħal kwalunkwe tranżazzjoni transkonfinali oħra;

18.

jemmen li huma biss l-istituzzjonijiet ta’ kreditu speċjali li jsellfu lis-settur pubbliku li għandhom jiġu eżenti mit-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji;

L-ammont taxxabbli, l-istruttura u r-rata tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

19.

fil-prinċipju jilqa’ l-metodu propost biex jiġi stabbilit l-ammont taxxabbli, inkluż it-twaqqif ta’ ammonti nominali għad-derivattivi; iżda jqis li hemm bżonn ta’ kjarifika, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kif jista’ jiġi indirizzat il-periklu reali li l-ammonti nominali jitnaqqsu b’mod artifiċjali fil-każ tad-derivattivi kumplessi;

20.

jilqa’ l-fatt li r-rati proposti huma rati minimi, li jippermettu lill-Istati Membri jistabbilixxu rati ogħla, b’konformità sħiħa mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; iżda fl-istess ħin jappella għat-twettiq ta’ analiżi bir-reqqa meta tiġi implimentata d-direttiva biex jiġi kontrollat jekk rati tat-taxxa ogħla f’ċerti Stati Membri fil-fatt ma jkunux qed jiġġeneraw it-tip ta’ kompetizzjoni fiskali dannuża bejn l-Istati Membri li d-direttiva kellha tipprevieni speċifikament;

21.

jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-istrumenti finanzjarji kollha li huma soġġetti għat-taxxa jiġu trattati bl-istess mod f’kull aspett tagħhom u dan b’kunsiderazzjoni tad-differenzi li jeżistu bejniethom, sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni mhux mixtieqa u sabiex jitqies biżżejjed il-prinċipju tat-tassazzjoni ġusta; għalhekk jitlob li r-rati tat-taxxa li japplikaw għall-ishma, il-bonds u d-derivattivi jiġu riveduti mill-ġdid partikolarment f’dan ir-rigward;

Il-ħlas tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

22.

huwa kritiku tas-setgħat li ser jingħataw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 290 tat-TFUE biex tadotta atti legali delegati li jispeċifikaw il-miżuri li għandhom jadottaw l-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-evażjoni, l-evitar u l-abbuż tat-taxxa; tali miżuri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tad-direttiva ġeneralment jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, li skont l-Artikolu 291(1) tat-TFUE, għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji kollha għall-implimentazzjoni ta’ att legali tal-Unjoni. U huwa biss meta jkun hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ tali atti, li jkun jeħtieġ li l-Kummissjoni tingħata l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni. Fit-tali każ, l-istrument previst mit-Trattat ikun l-adozzjoni tal-atti ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 291 tat-TFUE; iżda ħafna aspetti tal-kwistjonijiet ta’ importanza fundamentali, speċjalment fil-każ ta’ sanzjonijiet kriminali, għandhom jitħallew kompletament f’idejn l-Istati Membri;

23.

jenfasizza l-bżonn u l-effikaċja li l-miżuri adottati mill-Kummissjoni b’konformità ma’ dan it-trasferiment ta’ setgħat ikunu parti obbligatorja wkoll mir-rapporti regolari tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva;

L-użu tad-dħul mit-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

24.

jitlob li t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji tiġi inkorporata bħala kategorija ġdida fis-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni u li d-dħul minnha jiġi distribwit bejn l-Unjoni u l-Istati Membri li jiġbru t-taxxa fuq bazi proporzjonali; konsegwentement, il-kontributi tal-Istati Membri lis-sistema ta’ riżorsi proprji jkunu jistgħu jitnaqqsu skont l-ammont ta’ dħul mit-TTF;

Il-bżonn għal iktar miżuri

25.

minbarra l-ħolqien ta’ sistema Ewropea għat-taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, iqis li hemm bżonn ta’ arranġament ġdid tal-kundizzjonijiet li fih joperaw is-swieq l-finanzjarji fl-UE, li jikkumbatti l-effetti negattivi li dawn jista’ jkollhom fuq l-ekonomija reali;

26.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għal din ir-raġuni ikun tajjeb li jiġu żgurati l-ġbir u l-ġestjoni adatti tal-informazzjoni ġġenerata minn TTF;

27.

jinsab konvint li, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-funzjonament tajjeb ta’ suq intern u unjoni ekonomika u monetarja b’munita unika, hemm bżonn urġenti ta’ miżuri oħra li jmorru lil hinn mill-politika finanzjarja u li jvarjaw mit-tisħiħ konsiderevoli tal-koordinazzjoni Ewropea tal-politiki ekonomiċi u finanzjarji nazzjonali sal-istabbiliment istituzzjonalizzat ta’ governanza ekonomika fil-livell tal-UE li tkun effikaċi u demokratikament leġittima;

28.

jemmen li, lil hinn minn approċċ Ewropew, hemm bżonn azzjoni koordinata globalment u għalhekk jappella lill-UE u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien fil-livell internazzjonali fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni ma’ pajjiżi terzi għal riforma tar-regoli tas-suq finanzjarju, u biex jaħdmu b’mod partikolari mal-pajjiżi kollha tal-G-20 għal taxxa komprensiva fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦALL-EMENDI

Emenda 1

Artikolu 1(4)(d)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(d)

tranżazzjonijiet mal-banek ċentrali tal-Istati Membri

(d)

tranżazzjonijiet , mal-banek ċentrali tal-Istati Membri,

Emenda 2

Artikolu 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Kull ħames snin u għall-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u, fejn xieraq, proposta għall-modifika tagħha.

Kull ħames snin u għall-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru , il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u, fejn xieraq, proposta għall-modifika tagħha.

F’dak ir-rapport il-Kummissjoni għandha, mill-inqas, teżamina l-impatt tal-FTT fuq il-funzjonament proprju tas-suq intern, tas-swieq finanzjarji u tal-ekonomija reali u għandha tivvaluta l-progress dwar it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju fil-kuntest internazzjonali.

F’dak ir-rapport il-Kummissjoni għandha, mill-inqas, teżamina l-impatt tal-FTT fuq il-funzjonament proprju tas-suq intern, tas-swieq finanzjarji u tal-ekonomija reali u għandha tivvaluta l-progress dwar it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju fil-kuntest internazzjonali.

Brussell, 15 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/11


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-Aġenda Ewropea rinnovata għall-Integrazzjoni”

2012/C 113/04

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jinnota li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-migranti fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika tal-bliet u r-reġjuni ospitanti hija kruċjali biex jitwettqu l-għanijiet strateġiċi tal-Ewropa 2020 tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

jemmen li l-governanza f’diversi livelli hija l-iktar metodu adatt biex tinkiseb l-aħjar integrazzjoni tal-migranti;

ifaħħar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-politiki ta’ integrazzjoni jridu jiġu żviluppati fil-livell lokali fuq bażi minn isfel għal fuq;

jemmen li l-patti territorjali jipprovdu qafas flessibbli biex il-politiki ta’ integrazzjoni jidħlu fis-seħħ billi jippermettu l-implimentazzjoni ta’ miżuri u prijoritajiet tematiċi li jkunu adatti għal kull unità territorjali u billi jistgħu jirriflettu d-diviżjoni tas-setgħat bejn id-diversi livell ta’ gvern u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea għall-introduzzjoni tal-Moduli Ewropej tal-Integrazzjoni;

jaħseb li tkun ħaġa utli li jittieħdu inizjattivi biex tinħoloq sħubija strateġika bejn il-KtR, il-Kummissjoni Ewropea u n-netwerks Ewropej tal-bliet u r-reġjuni;

din is-sħubija tista’ tinħoloq billi jitwaqqaf netwerk tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-integrazzjoni, fejn il-korpi kompetenti li jfasslu l-politika mil-livelli kollha ta’ gvern flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jieħdu sehem. Il-KtR jistenna l-appoġġ politiku, ekonomiku u operattiv tal-Kummissjoni Ewropea fl-implimentazzjoni sħiħa tas-sħubija strateġika u jemmen li tista’ tiddaħħal fil-qafas tal-mekkaniżmi u l-inizjattivi eżistenti.

Relatur

Dimitrios KALOGEROPOULOS (EL/PPE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Aigaleo

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi

COM(2011) 455 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Qafas ta’ referenza

1.

josserva li llum il-ġurnata l-immigrazzjoni hija realtà għal kull Stat Membru u hija rilevanti b’mod partikolari wara r-Rebbiegħa Għarbija, li ħolqot spostamenti ġodda ta’ nies lejn l-Ewropa;

2.

jinnota li ż-żieda fl-għadd ta’ migranti matul l-aħħar għaxar snin kienet akkumpanjata minn bidliet maġġuri fil-kategoriji tal-migranti, u fit-tendenzi u l-forom tal-flussi tal-migrazzjoni;

3.

josserva li l-istrateġiji tal-integrazzjoni tal-migranti huma marbuta mal-politika Ewropea tal-migrazzjoni li tkun effettiva biss jekk tkun akkumpanjata minn politika Ewropea tal-migrazzjoni li tkun koerenti u li tappoġġja l-inizjattivi għall-iżvilupp fil-pajjiżi tal-oriġini u t-tranżitu tal-migranti;

4.

jemmen li ż-żieda f’daqqa fil-migrazzjoni toħloq bżonn urġenti biex jiġu implimentati politiki ta’ integrazzjoni soċjali, ekonomika u kulturali tal-migranti legali minn pajjiżi terzi;

5.

ifakkar li l-integrazzjoni tal-migranti hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni f’oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa, id-djar u s-suq tax-xogħol. Għad li t-Trattat ta’ Lisbona għandu l-għan li jissaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-politika marbuta mal-integrazzjoni taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi, ma jfittixx li jarmonizza d-dispożizzjonijiet leġislattivi jew regolatorji tal-Istati Membri;

6.

jinnota li kemm il-ħdax-il Prinċipju Bażiku Komuni adottati mill-Kunsill fl-2004 kif ukoll l-Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea fl-2005 jiddefinixxu l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħala proċess dinamiku bilaterali ta’ adattament reċiproku mill-immigranti u r-residenti kollha tal-Istati Membri;

7.

jinnota li t-tielet konferenza ministerjali Ewropea dwar l-integrazzjoni, li saret f’Vichy f’Novembru 2008, enfasizzat il-bżonn li jiġu involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni filwaqt li jiġi enfasizzat ukoll ir-rwol kruċjali li jaqdu fl-għajnuna lill-migranti biex jassimilaw fil-komunitajiet lokali;

8.

jinnota li fil-konklużjonijiet tal-konferenza ministerjali Ewropea dwar l-integrazzjoni, li saret f’Zaragoza, Spanja, f’April 2010, ġie enfasizzat il-bżonn li jiġu sottolinjati l-effetti pożittivi tal-immigrazzjoni fil-livell Ewropew u biex l-integrazzjoni u d-diversità kulturali jiġu enfasizzati bħala l-ixpruni għall-iżvilupp u l-koeżjoni soċjali;

9.

josserva li tul dawn l-aħħar snin l-UE ħolqot firxa sħiħa ta’ għodod utli li jippermettu lill-Istati Membri jfasslu aħjar il-politiki ta’ integrazzjoni tagħhom u jimplimentaw miżuri effettivi. Twaqqaf il-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni taċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi, kif ukoll il-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni, li jiltaqa’ b’mod regolari biex ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-immigranti jkunu jistgħu jieħdu sehem fid-djalogu politiku. Barra minn hekk, twaqqaf portal Ewropew għall-immigrazzjoni b’ħafna informazzjoni dwar l-integrazzjoni, u nkitbu tliet manwali b’eżempji utli tal-aħjar prattiki;

10.

jemmen li l-konsultazzjoni tiegħu mal-partijiet interessati kienet ta’ valur u bi pjaċir jinnota li r-riżultati tagħha ġew adottati mill-Kummissjoni Ewropea meta fasslet l-Aġenda Ewropea l-ġdida (1);

11.

josserva li fl-Aġenda Ewropea l-ġdida għall-Integrazzjoni taċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi l-Kummissjoni Ewropea tqis l-integrazzjoni bħala proċess kontinwu li huwa r-responsabbiltà ta’ diversi livelli ta’ gvern u li jeħtieġ sforzi sostnuti u kooperazzjoni dejjiema bejn il-partijiet interessati;

12.

josserva li din l-opinjoni tuża l-qafas provdut mill-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KtrR dwar l-Awtoritajiet lokali u reġjonali fil-quċċata tal-politiki tal-integrazzjoni u hemm il-ħsieb li titressaq ir-reazzjoni tal-KtR għall-isfidi futuri, u b’hekk jintwera l-kontribut li jkun sar mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ integrazzjoni tal-migranti legali minn pajjiżi terzi. B’hekk tingħata wkoll il-fehma tal-KtR dwar kif għandha tiġi żviluppata sħubija strateġika mal-Kummissjoni Ewropea;

Prinċipji fundamentali

13.

jemmen li l-integrazzjoni għandha titqies bħala r-riżultat ta’ proċess li jippermetti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiffunzjonaw mingħajr għajnuna esterna u jkollhom pożizzjoni fis-soċjetà daqs iċ-ċittadini u l-persuni b’nazzjonalità Ewropea;

14.

jinnota li l-integrazzjoni hija proċess bilaterali li jitlob impenn reċiproku u li jinvolvi drittijiet u dmirijiet kemm għas-soċjetà ospitanti kif ukoll għall-migranti. Dan jassumi li hemm ir-rieda min-naħa tal-migranti li jkunu responsabbli biex jintegraw fis-soċjetà ospitanti, u r-rieda min-naħa taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jaċċettaw u jassorbu l-migranti;

15.

jenfasizza li l-integrazzjoni għandha titqies u tiġi rikonoxxuta bħala proċess dinamiku u kontinwu u mhux bħala stadju intermedju fl-assimilazzjoni tal-migranti mis-soċjetà ospitanti;

16.

jemmen li l-politiki għall-integrazzjoni tal-migranti għandhom ikunu kompatibbli mal-valuri fundamentali Ewropej, bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-diversità, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs u t-tolleranza. Huma għandhom ikunu wkoll konsistenti mal-politiki fundamentali tal-UE dwar il-koeżjoni, l-impjieg, l-iżvilupp u r-relazzjonijiet esterni, il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;

17.

jemmen li l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament indaqs hija deċiżiva għall-kwalità tas-sistemi demokratiċi, u hija kisba prinċipali u parti integrali mill-kultura tal-Unjoni Ewropea;

L-implimentazzjoni tal-politika ta’ integrazzjoni

18.

jinnota li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-migranti fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika tal-bliet u r-reġjuni ospitanti hija kruċjali biex jitwettqu l-għanijiet strateġiċi tal-Ewropa 2020 tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

Metodu

19.

jemmen li l-governanza f’diversi livelli hija l-iktar metodu adatt biex tinkiseb l-aħjar integrazzjoni tal-migranti. Dan l-approċċ irid ikun kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà li jirregola l-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

20.

ifaħħar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-politiki ta’ integrazzjoni jridu jiġu żviluppati fil-livell lokali fuq bażi minn isfel għal fuq;

21.

jenfasizza l-bżonn għal approċċ olistiku, biex ma jitqisux biss l-aspetti ekonomiċi u soċjali tal-integrazzjoni iżda anke l-kwistjonijiet marbuta mad-diversità kulturali u reliġjuża, iċ-ċittadinanza, id-drittijiet politiċi u l-involviment tal-migranti legali fl-affarijiet pubbliċi u politiċi;

22.

jenfasizza l-bżonn għal approċċ komprensiv u jemmen li l-isforzi għall-integrazzjoni tal-migranti jinkludu firxa wiesgħa ta’ politiki, bħall-edukazzjoni, l-impjieg, il-politika soċjali, is-saħħa pubblika u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

23.

jemmen li sabiex jinkisbu r-riżultati hemm bżonn approċċ koordinat li jinkludi lill-partijiet interessati lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej. Huwa kruċjali li jiġu involuti l-awtoritajiet rilevanti tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, l-NGOs, l-imsieħba soċjali, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, inkluż il-migranti nfushom, sew dawk li jkunu għadhom kif wasslu sew il-migranti li jkunu tal-ewwel jew it-tieni ġenerazzjoni, flimkien ma’ partijiet interessati ta’ reputazzjoni tajba fl-oqsma tal-isport, il-kultura u l-koeżjoni soċjali;

24.

jemmen li għandu jsir sforz sostnut għall-migranti kollha u jqis li l-politiki ta’ integrazzjoni m’għandhomx ikunu mmirati b’mod esklużiv lejn il-persuni li jkunu waslu reċentement fil-bliet jew ir-reġjuni. Il-miżuri ta’ integrazzjoni għandhom ikunu indirizzati wkoll lejn l-immigranti tat-tieni jew it-tielet ġenerazzjoni fejn hemm bżonn sabiex id-diskriminazzjoni tiġi indirizzata b’mod effettiv;

25.

itenni l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiżguraw it-trattament indaqs tal-immigranti fir-rigward tal-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol, il-beni pubbliċi u s-servizzi tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali. Din hija kundizzjoni neċessarja biex jiġu indirizzati d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija;

26.

jinnota li l-politiki ta’ integrazzjoni għandhom jitfasslu b’kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi u bżonnijiet partikolari ta’ gruppi vulnerabbli speċifiċi ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi. Dawn jinkludu l-persuni li qed ifittxu u jirċievu l-protezzjoni internazzjonali, it-tfal taħt l-età mhux akkumpanjati, in-nisa migranti, il-migranti anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u l-persuni minn gruppi vulnerabbli bħar-Roma;

27.

jindika, madankollu, li ċ-ċittadini tal-UE, meta jiċċaqalqu sabiex jgħixu u jaħdmu fi Stat Membru ieħor ukoll jistgħu jeħtieġu servizzi sabiex jgħinuhom jintegraw, bħall-possibbiltà li jistudjaw il-lingwa;

Mezzi

28.

huwa favur it-tħeġġeġ ta’ miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess tal-migranti għas-suq tax-xogħol u għat-taħriġ vokazzjonali. Għall-migranti, il-ksib ta’ impjieg huwa pass fundamentali fil-proċess biex jintegraw mingħajr xkiel fil-komunità ospitanti;

29.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li taqdi l-edukazzjoni fl-integrazzjoni, b’mod speċjali t-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti, filwaqt li l-immigrant ikollu d-dritt li jibqa’ jitgħallem il-lingwa materna tiegħu;

30.

jemmen li l-edukazzjoni tat-tfal tal-migranti għandha tkun prijorità u japprova l-promozzjoni tad-diversità fis-sistemi nazzjonali tal-edukazzjoni. Sabiex tissaħħaħ id-diversità fis-sistemi edukattivi, il-KtR jappella lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġi previst ir-reklutaġġ ta’ għalliema mill-pajjiżi tal-migranti. Huwa ttamat li dan iwassal biex il-proċess edukattiv ikun jista’ jiffunzjona bħala pont kulturali bejn il-komunità ospitanti u ċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi u anke bħala xprun lejn soċjetà produttiva u koeżiva;

31.

jappoġġja l-isforzi biex jiġu żgurati u akkreditati t-taħriġ u l-ħiliet akkwistati mill-immigranti fil-pajjiżi tal-oriġini. Dan jagħmilha iktar faċli biex il-migranti jidħlu fis-suq tax-xogħol u jtejbu l-opportunitajiet tagħhom għall-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ fil-pajjiż li jospitahom;

32.

isostni li l-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs għall-migranti fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol hija approċċ adegwat sabiex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali. Il-KtR jemmen ukoll li l-prospett pożittiv li tinkiseb pożizzjoni indaqs fis-soċjetà ospitanti huwa l-aħjar mod biex jiġu evitati t-tip ta’ inċidenti vjolenti li seħħew f’ħafna bliet Ewropej;

33.

jenfasizza l-importanza li l-migranti jiġu involuti b’mod attiv fis-sistemi u l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ospitanti u jemmen li l-parteċipazzjoni sħiħa u mingħajr ostakli fil-ħajja politika fil-livell lokali u reġjonali hija fattur ewlieni biex tinħoloq klima ta’ fiduċja reċiproka bejn l-immigranti u s-soċjetajiet ospitanti;

34.

jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari lin-nisa migranti, mhux biss għax jaqdu rwol ewlieni fl-edukazzjoni tat-tfal u biex jgħaddulhom il-mudelli kulturali, iżda anke għax huma l-iktar vulnerabbli għall-atti ta’ esklużjoni, vjolenza u diskriminazzjoni;

35.

iqis li d-djalogu transkulturali huwa ta’ importanza kruċjali għall-integrazzjoni u jemmen li hemm bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkomplu jadottaw inizjattivi biex jippromovu tali djalogu. Il-KtR huwa tal-fehma li t-titjib fil-mod kif in-nies jifhmu l-kultura tal-migranti hija mod effettiv biex jiġu miġġielda l-atti ta’ razziżmu u ksenofobija;

36.

jinnota li l-mezzi tax-xandir jaqdu rwol ewlieni fis-sensibilizzazzjoni dwar l-immigrazzjoni u biex jittaffew il-marġinalizzazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija;

37.

jaqbel mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħraf id-dimensjoni esterna tal-politika tal-immigrazzjoni u jenfasizza l-bżonn ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-migranti dwar il-miżuri relatati mat-tħejjijiet għall-integrazzjoni tagħhom;

Strumenti innovattivi

38.

jemmen li l-patti territorjali jipprovdu qafas flessibbli biex il-politiki ta’ integrazzjoni jidħlu fis-seħħ billi jippermettu l-implimentazzjoni ta’ miżuri u prijoritajiet tematiċi li jkunu adatti għal kull unità territorjali u billi jistgħu jirriflettu d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali ta’ kull Stat Membru, id-diviżjoni tas-setgħat bejn id-diversi livell ta’ gvern u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

39.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea għall-introduzzjoni tal-Moduli Ewropej tal-Integrazzjoni, u jemmen li dawn ser jikkontribwixxu għat-tixrid tal-prattiki tajbin u ser jipprovdu strument flessibbli ieħor għat-tfassil tal-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-KtR jittama li l-mobilizzazzjoni tal-għarfien eżistenti ser tindirizza l-bżonnijiet lokali u tintuża biex ittejjeb ir-riżultati;

Il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

40.

bi pjaċir jinnota li fl-Aġenda Ewropea l-ġdida l-integrazzjoni qed tiġi ppreżentata bħala r-responsabbiltà konġunta tal-livelli kollha ta’ gvern ikkonċernati u jagħraf ir-rwol importanti li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni;

41.

jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-partijiet interessati lokali u reġjonali jkunu involuti fid-definizzjoni tal-istrateġiji ta’ integrazzjoni taħt il-programmi tal-UE u biex ittejjeb il-koordinazzjoni tal-ipprogrammar għall-fondi tal-UE eżistenti u li tippromovi l-miżuri fil-livell lokali;

42.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol deċiżiv fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet adatti għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi biex jaċċessaw l-informazzjoni u s-servizzi relatati mal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, ix-xogħol, id-djar u servizzi pubbliċi oħra. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-ħolqa li tippermetti lill-immigranti jiżviluppaw rabta b’saħħitha u kostruttiva mas-soċjetà ospitanti. Dan ir-rwol joħloq spejjeż żejda għar-reġjuni u l-muniċipalitajiet li ħafna drabi jintalbu jindirizzaw kwistjonijiet ta’ integrazzjoni;

43.

isostni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali joperaw bħala provvedituri tas-servizzi u jaħdmu mill-qrib mal-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet u livelli oħra ta’ gvern fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-integrazzjoni. Permezz ta’ dawn il-kompiti huma jgħinu fit-tisħiħ tar-responsabbiltà soċjali korporattiva fil-livell lokali;

44.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-applikazzjoni tal-esperjenza u l-prattika Ewropea permezz tal-iskambju tal-aħjar prattika u biex jiġu pubbliċizzati b’mod partikolari r-riżultati tal-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE (pereżempju CLIP, ERLAIM, ROUTES, City2City, il-proġett INTI ta’ Eurocities) u tan-netwerks reġjonali transkonfinali;

45.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol deċiżiv fil-ħolqien tal-kundizzjonijiet adatti għaċ-ċittadini minn pajjiżi terzi biex jaċċessaw l-informazzjoni u s-servizzi relatati mal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, ix-xogħol, id-djar u servizzi pubbliċi oħra, li jwasslu biex ikunu jistgħu jibnu rabta b’saħħitha mas-soċjetà ospitanti;

46.

josserva li minħabba l-prossimità tagħhom, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu importanza partikolari lill-kooperazzjoni, il-komunikazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni maċ-ċittadini, l-għaqdiet tal-immigranti u l-NGOs. B’dan il-mod huma jagħmlu kontribut ġenwin sabiex jinħoloq sens ta’ fiduċja, tinżamm il-koeżjoni fis-soċjetajiet ospitanti u b’hekk l-immigrazzjoni tiġi rikonoxxuta bħala fattur ta’ żvilupp u progress;

Monitoraġġ tar-riżultati

47.

jilqa’ l-introduzzjoni tal-indikaturi komuni Ewropej, miftiehma bejn l-Istati Membri f’Zaragoza, u jemmen li jistgħu jsiru għodda effettiva fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politika ta’ integrazzjoni;

48.

jenfasizza l-importanza partikolari tal-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni taċ-Ċittadini minn Pajjiżi Terzi fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni u jinnota li għalkemm l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni s’issa ma kinux attivi fit-twaqqif tal-prijoritajiet tal-fondi jew fil-valutazzjoni tar-riżultati. Il-KtR jemmen li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-valutazzjoni tar-riżultati tista’ tgħin biex jiġu identifikati approċċi mmirati u jiġi provdut l-appoġġ għal strateġiji ta’ integrazzjoni iktar koerenti;

Sħubija strateġika mal-Unjoni Ewropea

49.

jilqa’ l-fehma tal-Kummissjoni li l-miżuri fil-livell lokali huma element prinċipali tal-istrateġija ta’ integrazzjoni, u fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-approċċ tal-governanza f’diversi livelli, jaħseb li tkun ħaġa utli li jittieħdu inizjattivi biex tinħoloq sħubija strateġika bejn il-KtR, il-Kummissjoni Ewropea u n-netwerks Ewropej tal-bliet u r-reġjuni, sabiex tiġi sfruttata l-esperjenza sostanzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiġu faċilitati l-iskambji tal-prattiki tajba u tal-perspettivi, tiġi semplifikata u mtejba l-koordinazzjoni tal-miżuri u biex ir-riżultati jiġu pubbliċizzati b’mod iktar mifrux;

Proposti biex jinkisbu l-għanijiet

50.

jemmen li l-integrazzjoni tal-migranti għandha tkun prijorità fundamentali tal-Unjoni u jappoġġja l-inizjattivi li ħadet biex tressaq proposti, tfassal strumenti ġodda u timplimenta politiki effettivi;

51.

iqis li fid-dawl tal-iżviluppi ekonomiċi u demografiċi għandha titfassal strateġija komuni Ewropea biex jiġu żgurati wkoll il-ġestjoni tal-flussi tal-immigrazzjoni u l-promozzjoni tal-integrazzjoni;

52.

jiffavorixxi l-azzjoni koordinata u t-tħeġġiġ tal-kooperazzjoni u d-djalogu bejn dawk involuti fl-integrazzjoni fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew;

53.

jappella lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali konċernati biex jieħdu miżuri għas-semplifikazzjoni tal-valutazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet professjonali tal-migranti;

54.

jirrakkomanda li jiġu organizzati programmi lingwistiċi biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet ta’ gruppi ta’ migranti partikolari;

55.

jirrakkomanda li jitħeġġu l-miżuri ta’ integrazzjoni speċifiċi ambizzjużi fil-livell lokali u reġjonali biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi demografiċi li qed jiffaċċjaw ċerti reġjuni;

56.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jħeġġu lin-negozji lokali jsaħħu r-responsabbiltà soċjali korporattiva fil-livell lokali;

57.

jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex joffru appoġġ politiku u finanzjarju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jaqdu rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni;

58.

huwa tal-fehma li l-proċess ta’ integrazzjoni għandu jinbeda fil-pajjiżi tal-oriġini u jipproponi li jissaħħu l-inizjattivi eżistenti tal-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri esterni tal-UE;

59.

jissuġġerixxi li l-kwistjonijiet rilevanti għall-migrazzjoni u l-integrazzjoni tal-forza tax-xogħol jiġu diskussi matul il-kuntatt bejn ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qafas tal-politika Ewropea tal-Viċinat. L-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM), u l-Konferenza tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali tas-Sħubija tal-Lvant u l-UE (CORLEAP), li twaqqfet dan l-aħħar, jistgħu jkunu strumenti utli biex jiġu esplorati dawn il-kwistjonijiet;

60.

jemmen li l-politiki ta’ integrazzjoni għandhom jikkonċernaw il-migranti li jiċċirkulaw kif ukoll dawk temporanji, filwaqt li jsostni li l-migrazzjoni ċirkolari ma tistax tisstostitwixxi l-migrazzjoni permanenti, u jirrakkomanda li jitqies l-ambitu għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kemm fil-pajjiżi tal-oriġini kif ukoll fil-pajjiżi ospitanti biex jiġu involuti fis-sħubijiet ta’ mobbiltà u l-proċess tan-negozjar ta’ tali sħubijiet;

61.

itenni l-appell tiegħu biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti b’mod attiv fi stadju bikri ħafna fit-tfassil tal-istrateġiji tal-integrazzjoni u matul l-implimentazzjoni tagħhom;

62.

jitlob li l-KtR jiġi involut fit-twaqqif tal-prijoritajiet għall-finanzjament tal-UE għall-integrazzjoni, u fil-valutazzjoni tar-riżultati tal-programmi ta’ integrazzjoni;

63.

japprova t-twaqqif ta’ fond għall-immigrazzjoni u l-asil u jappella biex jiġu allokati r-riżorsi meħtieġa biex jiġi żgurat finanzjament adegwat u promozzjoni effettiva tal-integrazzjoni fil-livell lokali u reġjonali, inkluż il-finanzjament ta’ proġetti fil-livell reġjonali. Fil-kuntest iktar ġenerali tal-infiq fil-qasam tal-affarijiet interni, hemm bżonn li jiġi żgurat bilanċ preċiż bejn in-nefqa fuq is-sigurtà u l-fruntieri u n-nefqa f’oqsma bħall-integrazzjoni tal-migranti u l-faċilitajiet tar-riċeviment għall-persuni li qed ifittxu l-asil, oqsma fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jipprovdu valur miżjud ċar;

64.

jixtieq jaqdi rwol iktar attiv fil-koordinazzjoni tal-miżuri fil-livell Ewropew, u għalhekk, bħala r-rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jitlob li jiġi mistieden jattendi l-konferenzi ministerjali Ewropej dwar l-integrazzjoni fuq bażi regolari, jissuġġerixxi li l-preżenza tiegħu fil-Forum Ewropew għall-Integrazzjoni tissaħħaħ, u jesprimi r-rieda li jaqdi rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-patti territorjali;

65.

jinsab lest jgħin fit-twaqqif ta’ sistema pan-Ewropea għall-progress tal-monitoraġġ li jkun sar fil-qasam tal-integrazzjoni permezz ta’ indikaturi konġunti;

66.

jaħseb li l-użu ta’ strumenti ġodda bħall-patti territorjali għandu jiġi semplifikat, u li għandu jkun hemm il-possibbiltà li jiġu finanzjati mill-Fondi Strutturali u l-programmi tematiċi matul il-perjodu l-ġdid ta’ programmar;

67.

jirrakkomanda li jiddaħħlu “premjijiet” għall-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jingħataw lill-immigranti u/jew lill-organizzazzjonijiet involuti fl-integrazzjoni (l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet, l-istituti, eċċ.). Din l-inizjattiva tista’ tiġi inkorporata fil-qafas ta’ avvenimenti eżistenti, bħall-Jum Internazzjonali tal-Migranti tan-Nazzjonijiet Uniti;

68.

jixtieq jiżviluppa sħubija strateġika mal-Kummissjoni Ewropea u n-netwerks Ewropej tal-bliet u r-reġjuni sabiex tiġi faċilitata l-integrazzjoni tal-migranti u jiġu promossi politiki effettivi. Din is-sħubija tista’ tinħoloq billi jitwaqqaf netwerk tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-integrazzjoni, fejn il-korpi kompetenti li jfasslu l-politika mil-livelli kollha ta’ gvern flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jieħdu sehem. Il-KtR jistenna l-appoġġ politiku, ekonomiku u operattiv tal-Kummissjoni Ewropea fl-implimentazzjoni sħiħa tas-sħubija strateġika u jemmen li tista’ tiddaħħal fil-qafas tal-mekkaniżmi u l-inizjattivi eżistenti.

Brussell, 15 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 261/2011


18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/17


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-ġejjieni tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura”

2012/C 113/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jagħraf li l-ECOC huwa avveniment importanti li jenfasizza r-rikkezza, id-diversità u l-aspetti komuni tal-kulturi Ewropej, u jinnota li l-programm ECOC ta kontribut speċjali għall-emerġenza ta’ identità Ewropea f’perjodu ta’ tkabbir kulturali rapidu għall-Unjoni Ewropea;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-prestiġju dejjem jikber ta’ dan it-titlu ta wkoll post importanti lill-kultura fl-aġenda politika tal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet;

jisħaq li l-kunċett tad-djalogu interkulturali flimkien mal-koeżjoni soċjali u territorjali jistgħu jgħinu fl-iżvilupp tal-valuri bażiċi tal-ħajja privata, soċjali u ċivika, bħalma huma s-solidarjetà, ir-responsabbiltà, it-tolleranza, ir-rispett, l-isforz għall-progress soċjali u l-komprensjoni tad-diversità soċjali u kulturali. Jista’ wkoll irawwem il-kapaċità li individwi u gruppi b’kuntesti kulturali differenti jikkomunikaw flimkien u jgħixu flimkien f’solidarjetà;

jinnota li l-bliet li ngħataw it-titlu ECOC saħħew b’mod sinifikanti s-settur kulturali tagħhom u raw żieda fil-parteċipazzjoni kulturali tagħhom, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ;

jenfasizza li l-ECOC jeħtieġ li jkun proċess fejn l-udjenza lokali tiżviluppa permezz ta’ programmi edukattivi, azzjonijiet parteċipattivi u sensibilizzazzjoni akbar dwar kwistjonijiet lokali u Ewropej.

Relatur

is-Sur ROMBOUTS (NL/PPE), Sindku ta’ 's-Hertogenbosch

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kuntest ġenerali

1.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem fuq qafas legali ġdid għall-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura (European Capital of Culture – ECOC) u li organizzat konsultazzjoni online u laqgħa pubblika fl-2010-2011. Itenni l-impenn tiegħu li jikkontribwixxi għad-dibattiti, hekk kif jistqarr fil-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni 1419/1999/KE li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura mill-2005 sal-2019  (1);

2.

jenfasizza l-importanza tat-tkomplija tal-programm ECOC lil hinn mill-2019;

3.

jagħraf li l-ECOC huwa avveniment importanti li jenfasizza r-rikkezza, id-diversità u l-aspetti komuni tal-kulturi Ewropej, u jinnota li l-programm ECOC ta kontribut speċjali għall-emerġenza ta’ identità Ewropea f’perjodu ta’ tkabbir kulturali rapidu għall-Unjoni Ewropea;

4.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-prestiġju dejjem jikber ta’ dan it-titlu ta wkoll post importanti lill-kultura fl-aġenda politika tal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet. Barra minn hekk, ir-riċerka u l-investiment fil-kultura huma mezz importanti biex jiġu assigurati l-prosperità u l-koeżjoni soċjali fil-bliet u r-reġjuni kif ukoll fil-livell nazzjonali u Ewropew;

5.

iqis li jekk iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jieħdu sehem f’varjetà ta’ avvenimenti kulturali, dan iwessa’ l-perspettivi tagħhom u jgħinhom jegħlbu l-preġudizzji u l-biża’ ta’ dak li huwa barrani u mhux magħruf minnhom, u b’hekk jikkontribwixxi għad-djalogu multikulturali;

6.

jisħaq li l-kunċett tad-djalogu interkulturali flimkien mal-koeżjoni soċjali u territorjali jistgħu jgħinu fl-iżvilupp tal-valuri bażiċi tal-ħajja privata, soċjali u ċivika, bħalma huma s-solidarjetà, ir-responsabbiltà, it-tolleranza, ir-rispett, l-isforz għall-progress soċjali u l-komprensjoni tad-diversità soċjali u kulturali. Jista’ wkoll irawwem il-kapaċità li individwi u gruppi b’kuntesti kulturali differenti jikkomunikaw flimkien u jgħixu flimkien f’solidarjetà (2);

7.

jagħraf li l-programm ECOC kellu impatt ekonomiku, soċjali u kulturali estiż; it-titlu jagħti impetu qawwi lis-settur kreattiv, li jaqdi rwol ekonomiku importanti fl-Ewropa u jservi ta’ mutur ekonomiku għal setturi oħrajn;

8.

jinnota li l-bliet li ngħataw it-titlu ECOC saħħew b’mod sinifikanti s-settur kulturali tagħhom u raw żieda fil-parteċipazzjoni kulturali tagħhom, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ;

9.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom l-aqwa fehim tar-realtajiet u s-sitwazzjonijiet li jiffaċċjaw il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura (kandidati) u jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jgħinu fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-ECOC b’rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà; barra minn hekk, f’ħafna Stati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltà diretta biex jassiguraw li l-avvenimenti kulturali jkunu organizzati u implimentati tajjeb u li għalhekk għandhom l-għarfien u l-esperjenza li jistgħu jgħinu biex jinstabu approċċi innovattivi u kreattivi;

Rakkomandazzjonijiet

A.   Tkomplija u intensifikazzjoni tal-iskema tal-belt kapitali tal-kultura

10.

jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni Ewropea li t-titlu tal-ECOC għadu ta’ stima għolja, jiġġenera programmi kulturali estensivi u jikseb impatti sinifikanti (3); għaldaqstant jappella biex din l-inizjattiva titkompla sabiex tkompli trawwem is-sehem taċ-ċittadini u l-iżvilupp fuq żmien twil; jinnota li wara l-2019 l-ECOC għandu jfittex li jadotta approċċ bilanċjat lejn il-kultura, li għandha tingħata appoġġ mhux biss bħala mezz kif isir ritorn tanġibbli u li jista’ jitkejjel għall-investiment li jkun sar, iżda anke għall-valur intrinsiku tagħha;

11.

jissuġġerixxi li l-programm ECOC jista’ jikkontribwixxi biex tinbena l-Ewropa tal-ġejjieni. It-tendenzi bħan-nazzjonaliżmu, l-individwaliżmu u l-konsumiżmu kif ukoll l-infrastruttura soċjali li qed tiddeterjora kollha jeħtieġu l-attenzjoni tagħhna. Il-globalizzazzjoni, iż-żieda fil-mobbiltà u l-fruntieri miftuħa jwessgħu l-viżjoni tagħna tad-dinja. L-Ewropej huma wkoll “ċittadini tad-dinja”, iżda fl-istess ħin hemm bżonn li nħarsu u nżommu l-kulturi lokali tan-nies. L-Ewropa għandha tkun tista’ tippermetti lill-kultura lokali li tiżviluppa fl-istess ħin li tiżviluppa identità Ewropea inklużiva; l-innovazzjoni industrijali, soċjali u ambjentali hija kruċjali biex tiżdied il-kompetittività Ewropea li għandha tgħin biex tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali;

12.

jinnota li l-programm ECOC irid ikun ibbażat fuq l-ambjent kulturali lokali u reġjonali, u għalhekk l-involviment taċ-ċittadini u tal-entitajiet pubbliċi u privati kollha li joperaw fit-territorju huwa kruċjali fl-istadji differenti tal-proġett; jenfasizza li l-ECOC jeħtieġ li jkun proċess fejn l-udjenza lokali tiżviluppa permezz ta’ programmi edukattivi, azzjonijiet parteċipattivi u sensibilizzazzjoni akbar dwar kwistjonijiet lokali u Ewropej. Il-bliet kapitali Ewropej tal-kultura għandhom jiġu involuti aktar fl-azzjonijiet u l-inizjattivi li l-UE twettaq sabiex timplimenta l-programmi attwali jew futuri tagħha fl-qasam tal-kultura, waqt li b’mod gradwali jżidu l-possibbiltà li jsiru anke lok ta’ applikazzjoni għal dawn l-azzjonijiet u inizjattivi;

13.

jirrikonoxxi li l-programm ECOC kien effettiv fir-rigward tal-iżvilupp ta’ programmi li jħeġġu l-inklużjoni u d-djalogu interkulturali, u jinnota li ħafna mill-avvenimenti preċedenti tal-Belt Kapitali tal-Kultura seħħew fi bliet li qed jiffaċċjaw sfidi marbutin mal-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni. L-aċċess għall-kultura huwa muftieħ prinċipali għal responsabbiltà u ċittadinanza msaħħa, benesseri individwali u kollettiv, mobbiltà soċjali, solidarjetà eċċ. Waqt li jitqies dan kollu, il-programm ECOC għandu jkollu liċ-ċittadini u lis-soċjetà ċivili fil-qalba tiegħu;

14.

itenni li s-settur tal-kultura jaqdi rwol importanti biex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020. F’dan il-kuntest, jirreferi għall-opportunitajiet kbar li joffri t-turiżmu kulturali għall-iżvilupp ekonomiku ta’ ħafna reġjuni. Madankollu, javża li wieħed m’għandux jenfasizza b’mod esklużiv l-importanza ekonomika tal-kultura. Il-kultura taqdi rwol daqstant importanti fil-ħolqien ta’ ambjent ta’ ħajja tajjeb u dinamiku, kundizzjoni meħtieġa għall-iżvilupp (4);

15.

jappoġġja l-idea li l-istrument tal-ECOC għandu jkompli wara l-2019 u jissuġġerixxi li jitwessa’ sabiex ikun jista’ jiffoka iktar fuq it-tfittxija tal-identità/identitajiet kulturali varjata/varjati tal-Ewropej u l-iskoperta tagħhom. Għal dan il-għan, il-kontenut tal-programm għandu jkun iktar miftuħ għal kulturi non-Ewropej oħrajn u l-imsieħba għandhom jenfasizzaw il-valur u r-rikkezza tal-kulturi Ewropej b’mod saħansitra iktar effettiv;

B.   Kuntest multiannwali

16.

jinnota li l-programm ECOC evolva f’dawn l-aħħar 25 sena minn festival tas-sajf għal avveniment kulturali tul is-sena kollha li jinkludi elementi tal-iżvilupp kulturali, soċjali u ekonomiku. Ċerti bliet estendew l-ambitu tal-ECOC sabiex dan ikopri għadd ta’ snin qabel u wara l-avveniment. Dan l-approċċ kellu suċċess kbir biex iħeġġeġ lill-popolazzjoni lokali tipparteċipa fis-sena ECOC fiha nnifisha u biex jistimola l-iżvilupp kulturali u l-parteċipazzjoni fil-ħolqien ta’ kuxjenza u kooperazzjoni internazzjonali;

17.

jirrepeti li l-approċċ multiannwali wera li huwa ta’ suċċess għax jgħin sabiex jiġu kkonsolidati l-iżviluppi fil-belt u fir-reġjun, kif ukoll in-netwerks ġodda (Ewropej) li żviluppaw b’rabta mat-titlu ECOC. Jgħin ukoll biex jiġi ggarantit, b’mod speċjali f’dawn iż-żminijiet ta’ pressjoni finanzjarja, li l-investiment fil-kultura jibqa’ fuq l-aġenda politika fuq perjodu itwal. Il-kriterju attwali ta’ “belt u ċittadini” jitlob li l-avveniment ikun sostenibbli u parti integrali tal-iżviluppi kulturali u soċjali fuq perjodu twil. Madankollu, l-ECOC għadu fuq kollox ikkonċentrat fuq l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali matul is-sena. F’dan il-kuntest, kollaborazzjoni aktar strutturata bejn il-bliet kapitali Ewropej tal-kultura tal-preżent, dawk tal-passat u dawk tal-futur tkun kontribut pożittiv;

18.

itenni li l-bliet għandhom jużaw l-avveniment bħala parti minn strateġija tal-iżvilupp fuq perjodu twil sabiex jiġu promossi approċċi iktar sostenibbli għall-iżvilupp kulturali u sabiex jittejjeb l-impatt u l-wirt tal-bliet ECOC hekk kif tgħid l-opinjoni dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għal avveniment tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura mill-2007 sal-2019 sabiex dawn l-istrateġiji jiġu żviluppati fuq perjodu twil u għalhekk tinstab soluzzjoni għall-isfidi ġodda lokali u reġjonali, itenni li hemm bżonn li jitfasslu u jiġu implimentati politiki kulturali konsenswali fuq il-perjodu medju u dak fit-tul – aspett li jista’ jsir biss abbażi ta’ rieda istituzzjonali ċara u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-imsieħba soċjali pubbliċi u privati;

19.

jirrikonoxxi li t-titlu tal-ECOC jingħata għal sena speċifika waħdanija; ifakkar f’kemm huwa importanti li l-attivitajiet jitpoġġew f’kuntest multiannwali u li jkunu parti minn politika fuq perjodu twil f’termini kulturali, ekonomiċi, soċjali u spazjali;

20.

jisħaq li l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-proġett tal-belt kapitali Ewropea tal-kultura, u fuq kollox jiżguraw li jkun sostenibbli. Kull proġett individwali tal-kapitali Ewropea tal-kultura għandu jingħata l-appoġġ adegwat mill-Istat Membru kkonċernat u għandu jiġi integrat fil-politika u l-istrateġija tiegħu fuq tul ta’ żmien;

C.   Jitħeġġeġ l-involviment tar-reġjun ta’ madwar

21.

jirrikonoxxi li l-programm ECOC evolva wkoll f’termini tat-tipi ta’ bliet u reġjuni involuti. Fl-ewwel fażi l-bliet li nħatru mill-Istati Membri ġeneralment kienu l-belt kapitali jew bliet kbar oħrajn. Imbagħad, biż-żmien, it-titlu ngħata dejjem iktar lil bliet iżgħar (‘bliet sekondarji’ jew ċentri kulturali reġjonali). Minħabba fid-daqs dejjem iżgħar tal-belt kandidata, l-involviment tar-reġjun madwarha qed isir dejjem iktar importanti. L-irħula u l-bliet huma postijiet fejn jiltaqgħu n-nies; huma ċentri ta’ kummerċ, industrija, edukazzjoni jew governanza, u jinsabu fil-qalba ta’ reġjun; jirriflettu l-karattru tar-reġjun; jinnota li dan l-iżvilupp ġie rikonoxxut permezz tal-inklużjoni tad-dimensjoni reġjonali fil-programm ECOC wara l-2007; għalhekk, jenfasizza l-valur miżjud tal-promozzjoni ta’ approċċ reġjonali għat-titlu tal-ECOC, pereżempju billi jiġi kkunsidrat li jingħata titlu fil-livell reġjonali, fejn ir-reġjun ikun il-qofol kulturali ewlieni taħt ir-responsabbiltà tal-belt prinċipali ta’ dak ir-reġjun;

22.

jenfasizza li fil-futur, il-belt applikanti għandha titħeġġeġ ħafna iktar sabiex tinvolvi lir-reġjun ta’ madwarha – jew anke l-ewroreġjuni fil-każ ta’ bliet konfinali – fil-programm ECOC, permezz tal-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ sħubija li jiggarantixxu t-twettiq tal-ħidma komuni fl-istadji kollha tal-inizjattiva; jirrikonoxxi l-importanza ta’ sistema ta’ governanza b’saħħitha li tassigura s-sostenibbiltà tal-impenn politiku u finanzjarju. Appoġġ politiku b’saħħtu bejn il-partiti, li jinkludi garanzija tal-baġit, indipendenza artistika u involviment taċ-ċittadini, għandu jkun fattur prinċipali fis-sistema ta’ governanza;

23.

jinnota r-rwol vitali fl-ekonomiji moderni tan-netwerks u tal-bliet kreattivi, fil-qafas ta’ ekosistema ta’ innovazzjoni miftuħa, hekk kif tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-bliet, ir-reġjuni, l-isituti universitarji jew l-istabbilimenti tar-riċerka u l-intrapriżi fir-rigward ta’ kwistjonijiet strateġiċi sabiex jinkisbu ekonomiji ta’ skala u skop, jinħolqu “spillovers” tal-għarfien u jiġi kkoordinat l-ippjanar infrastrutturali; jappella biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti mill-qrib fit-tħejjija tal-oqfsa legali u l-programmi ta’ finanzjament;

24.

ifakkar fl-importanza tad-dimensjoni Ewropea tal-avveniment (5); jaqbel li l-programm ECOC għandu l-għan li jippromovi l-kooperazzjoni Ewropea, li jenfasizza r-rikkezza tal-kultura Ewropea u li jinvolvi u jattiva liċ-ċittadini; itenni li t-tħeġġiġ tal-involviment attiv tat-territorji reġjonali tal-madwar fil-programm ECOC għandu jippromovi dan l-objettiv u jassigura li l-effetti pożittivi jinħassu f’kuntest reġjonali (usa’);

25.

itenni li l-Kummissjoni Ewropea għandha tkun sensittiva għall-iżviluppi l-ġodda fl-iskema ECOC u tistudjahom mill-qrib u tagħtihom l-appoġġ tagħha; ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea, hi u tfassal il-programmi tagħha, għandha tikkunsidra kif jixraq il-potenzjal kulturali tas-sħubijiet urbani u reġjonali – li huma tant importanti għas-soċjetà kollha kemm hi – u tintegra żviluppi kwalitattivi ġodda (6);

D.   Inħeġġu parteċipazzjoni fil-preselezzjoni

26.

jagħraf li l-ECOC huwa wieħed mill-iktar programmi ta’ suċċess tal-UE billi jipprovdi opportunità unika għall-belt ospitanti u r-reġjun ta’ madwar u anke għall-bliet kandidati li jieħdu pass kbir ’il quddiem fl-ambitu kulturali, soċjali u ekonomiku, sabiex b’hekk fi ftit snin jiksbu trasformazzjoni li normalment iddum ġenerazzjoni;

27.

iħeġġeġ għalhekk li firxa wiesgħa ta’ kandidati jiġu stimulati jipparteċipaw fl-għażla għat-titlu ECOC; jinnota li l-esperjenza tas-snin li għaddew turi li sempliċi applikazzjoni għas-selezzjoni għandha effetti pożittivi għall-bliet kandidati f’termini ta’ effetti ekonomiċi ġenerattivi u ta’ reputazzjoni. Il-kompetizzjoni għat-titlu wasslet ukoll għal netwerks (internazzjonali) ġodda u għal kooperazzjoni mtejba bejn l-imsieħba fi ħdan reġjun;

28.

jirrikonoxxi l-problemi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri u s-sistema Ewropea tal-ġurija li jirriżultaw mill-ipproċessar ta’ għadd dejjem jikber ta’ applikazzjonijiet, spejjeż dejjem jiżdiedu u kwistjonijiet organizzattivi marbutin mal-kompetizzjoni; jappella lill-Kummissjoni biex l-għadd dejjem jikber ta’ kandidati jitqies b’mod pożittiv u l-proċedura ta’ selezzjoni tal-2019 tiġi organizzata f’dan id-dawl;

29.

jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-bliet kandidati għandhom jaħdmu fi sħubija mill-qrib sabiex iżidu l-għarfien pubbliku tat-titlu fil-bliet u r-reġjuni. Il-Kummissjoni għandha tkompli tiżviluppa l-valur kummerċjali tat-titlu ECOC. L-Istati Membri għandhom jirreklamaw b’mod wiesa’ l-kompetizzjoni fil-livell nazzjonali u l-bliet għandhom responsabbiltà partikolari li jużaw il-kuntatt dirett tagħhom maċ-ċittadini sabiex jispjegaw u jikkomunikaw il-benefiċċji tal-inizjattiva. Fil-fatt, jekk iċ-ċittadini ma jifhmux b’mod ċar l-objettivi tat-titlu ECOC, ikun diffiċli għall-belt li tikseb appoġġ pubbliku għall-applikazzjoni tagħha. Dan jista’ jiskoraġġixxi lil xi kandidati potenzjali milli jitfgħu proposta għat-titlu;

30.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm bżonn ta’ qafas iktar sod għall-kompetizzjoni; jissuġġerixxi li l-‘kompetizzjoni’ titħejja b’tali mod li l-bliet kollha li jkunu applikaw jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ kultura fil-livell Ewropew, nazzjonali u/jew reġjonali. L-attivitajiet ippjanati bħala parti mill-proċess ta’ applikazzjoni jistgħu jitfasslu biex juru kif il-bliet jew reġjuni jikkontribwixxu għall-għanijiet politiċi kulturali, u jistgħu wkoll jinkludu impenn min-naħa tal-bliet biex din il-ħidma tkompli fis-snin qabel l-ECOC (irrispettivament minn min ‘jirbaħ’). Qafas iktar ċar għall-kompetizzjoni għandu jgħin biex inaqqas it-tensjoni bejn il-bliet u r-reġjuni kif ukoll biex il-kandidati jikkontribwixxu għal aġendi tal-UE u nazzjonali iktar wesgħin. Essenzjalment dan ifisser li għandu jitħeġġeġ sens tajjeb ta’ ‘kooperazzjoni għall-kompetizzjoni’;

31.

jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex, permezz tal-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet nazzjonali tagħhom, jipprovdu l-appoġġ kollu possibbli lill-belt magħżula bħala l-belt kapitali tal-kultura;

E.   Proċedura tal-għażla

32.

jappoġġja s-sistema ta’ rotazzjoni għall-Istati Membri li attwalment qiegħda tintuża biex jingħata t-titlu tal-ECOC (sa mill-2007), u jirrikonoxxi li din is-sistema tiggarantixxi possibbiltajiet indaqs għall-bliet u l-Istati Membri ż-żgħar li jżommu t-titlu minkejja ristrezzjonijiet baġitarji;

33.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea tqis li fil-bażi legali l-ġdida tal-ECOC terġa’ ddaħħal il-possibbiltà li bliet li mhumiex parti minn Stati Membri japplikaw għat-titlu; l-esperjenza ta’ Istanbul 2010 hija indikazzjoni ta’ dan (7);

34.

itenni li r-rappreżentant tal-KtR fil-Panel ta’ Selezzjoni għandu jkompli jkun wieħed mill-membri eletti tiegħu, hekk kif dejjem sar; jirrikonoxxi madankollu li l-parteċipazzjoni fil-panel mhix pożizzjoni onorarja u li ġġib magħha ħafna xogħol u responsabbiltà sinifikanti fir-rigward tal-bliet li jitfgħu l-applikazzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tikkonferma r-rwol tal-Kumitat tar-Reġjun fil-Panel ta’ Monitoraġġ u li dan il-panel ikompli jaqdi rwol attiv biex jassigura li s-sinerġiji bejn il-programmi kulturali tal-bliet innominati jiġu żviluppati fil-fażi ta’ tħejjija tal-programm (8); iqis li tkun ħaġa tajba li jiġu stabbiliti kriterji ta’ valutazzjoni iktar oġġettivi sabiex il-bliet kandidati rifjutati jkunu jistgħu jitgħallmu u l-kandidati futuri jkunu jafu fuq liema kriterji għandhom jibbażaw.

Brussell, 15 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 393/2003 fin.

(2)  CdR 251/2008 fin.

(3)  Evalwazzjoni “ex post” tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura 2010 (Essen għar-Ruhr, Pécs, Istanbul) COM(2011) 921 final.

(4)  CdR 172/2007 fin.

(5)  CdR 393/2003 fin.

(6)  CdR 172/2007 fin.

(7)  Evalwazzjoni “ex post” tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura 2010 (Essen għar-Ruhr, Pécs, Istanbul) COM(2011) 921 final.

(8)  CdR 251/2005 fin.


18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/22


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-reviżjoni tar-Regolament dwar ir-REKT”

2012/C 113/06

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jinsab sodisfatt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tirrifletti l-ispirtu tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 u tikkontribwixxi għal titjib fit-twaqqif u l-funzjonament tar-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT);

jitlob li jiġu ċċarati l-kriterji għall-approvazzjoni tal-konvenzjoni jew għaċ-ċaħda ta’ talba għall-ħolqien ta’ REKT;

jixtieq isaħħaħ ir-rwol tal-KtR, li huwa diġà inkarigat sabiex iżomm ir-reġistru tar-REKT u janima l-pjattaforma tar-REKT, bis-saħħa tan-notifika tal-“Formola għar-REKT” u l-pubblikazzjoni fil-ĠU tal-UE;

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fatt li huwa kumpless ħafna, jew saħansitra impossibbli, li fil-konvenzjoni titfassal lista sħiħa ex ante tal-leġislazzjonijiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali li ser ikunu applikabbli għall-attivitajiet tar-REKT;

jipproponi li r-REKT diġà maħluqa jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament il-ġdid, li huma aktar vantaġġużi minn dawk tar-Regolament Nru 1082/2006 dwar ir-REKT fis-seħħ bħalissa;

jinsisti sabiex it-tip ta’ intrapriżi li jistgħu jieħdu sehem f’REKT jitwessa’ biex jinkludi l-intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

Relatur

is-Sur DELEBARRE (FR/PSE), Sindku ta’ Dunkerque

Dokument ta’ referenza

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward taċ-ċarezza, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ tali gruppi

COM(2011) 610 final – 2011/0272 (COD)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jinsab sodisfatt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tirrifletti l-ispirtu tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 u tikkontribwixxi għal titjib fit-twaqqif u l-funzjonament tar-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT);

2.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tagħti għall-integrazzjoni tal-kisbiet tat-Trattat ta’ Lisbona u b’mod partikolari l-objettiv ta’ koeżjoni territorjali;

3.

jinsab sodisfatt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea kkunsidrat il-bosta rakkomandazzjonijiet li esprima fl-opinjonijiet preċedenti iegħu (1);

Ħarsa lejn ir-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali

4.

jixtieq jenfasizza li 25 REKT inħolqu f’anqas minn erba’ snin; dawn jiġbru flimkien ’il fuq minn 550 awtorità lokali u reġjonali fi 15-il Stat Membru u jikkonċernaw ’il fuq minn 22 miljun Ewropew;

5.

jinsab sodisfatt li fl-1 ta’ Ottubru 2011, aktar minn nofs l-Istati Membri awtorizzaw il-ħolqien ta’ REKT (l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Ungerija);

6.

ifakkar li għexieren ta’ REKT jinsabu fi stadju ta’ proġett jew inkella qed jiġu eżaminati mill-Istati Membri;

7.

iqis li l-użu tar-REKT għandu jsir fuq bażi volontarja: huma biss dawk it-territorji jew netwerks li jistgħu jisiltu vantaġġ deċiżiv mill-ħolqien ta’ REKT illi jagħmlu użu minn din l-għodda biex jibqgħu jiżvolġu l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tagħhom b’mod permanenti u formali;

8.

huwa tal-fehma li l-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea għandhom dejjem ikunu jistgħu jiġu implimentati abbażi ta’ koordinazzjoni politika, teknika u amministrattiva tal-imsieħba tal-proġett, taħt it-tmexxija ta’ “chef de file”;

9.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra aħjar ir-REKT bħala strument prijoritarju tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea u tintegra r-REKT aħjar fil-miżuri leġislattivi dwar il-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020;

10.

jisħaq fuq id-diversità tas-sħubijiet, tal-missjonijiet u tat-territorji ta’ azzjoni tar-REKT li nħolqu u ta’ dawk li qegħdin jinħolqu bħalissa, billi dan juri l-potenzjal għoli u l-flessibbiltà ta’ dan l-istrument ta’ kooperazzjoni;

11.

iqis li wieħed mill-vantaġġi possibbli tal-użu tar-REKT fit-tmexxija ta’ proġetti ta’ governanza f’diversi livellihu li permezz tiegħu jistgħu jiġu involuti l-atturi kompetenti kollha għall-governanza ta’ territorju transkonfinali jew Ewroreġjonali;

12.

jisħaq fuq in-natura multifunzjonali ta’ dan l-istrument tar-REKT u l-potenzjal tiegħu biex jiġġestixxi infrastrutturi u servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għall-benefiċċju taċ-ċittadin Ewropew, f’territorji li jikkonċernaw diversi Stati Membri;

13.

jiddispjaċih li r-REKT għalissa għadu ma tantx jissemma fil-politiki settorjali tal-Unjoni apparti l-politika ta’ koeżjoni; jisħaq fuq il-potenzjal tal-istrument tar-REKT biex iwieġeb għal inizjattivi u sejħiet għall-offerti u biex iqiegħed fil-prattika l-programmi tal-Unjoni Ewropea; jisħaq ukoll fuq il-ħtieġa li r-REKT jiġi rikonoxxut bħala struttura eliġibbli għal dawn l-inizjattivi u sejħiet għall-offerti;

14.

jinnota li l-integrazzjoni tar-REKT fis-sistemi legali Ewropej u nazzjonali hija waħda dgħajfa;

15.

identifika 79 awtorità kompetenti, maħtura mis-27 Stat Membru, biex jilqgħu u jipproċessaw it-talbiet għall-ħolqien ta’ REKT;

16.

josserva li xi kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1086/2006 jistgħu jingħataw risposti diverġenti minn dawn l-awtoritajiet kompetenti, bħalma turi l-kwistjoni tal-leġislazzjoni li torbot il-persunal tar-REKT jew ir-REKT li l-membri tagħhom għandhom responsabbiltà limitata;

17.

jaderixxi mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT);

18.

huwa konxju li l-Proposta għal Regolament għandha twassal sabiex ir-REKT isir aktar attraenti u aktar effikaċi biex imexxi attivitajiet fil-qasam tal-kooperazzjoni territorjali, filwaqt li tillimita r-riskji legali u finanzjarji għall-membri futuri, l-impjegati u l-kuntratturi futuri tar-REKT u filwaqt li tibqa’ newtrali dwar l-għażla tas-sistema legali applikabbli għar-REKT;

19.

iqis li hemm bżonn li l-Pjattaforma tar-REKT fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni (2) tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha (ara www.cor.europa.eu/egtc), sabiex tippermetti l-monitoraġġ tar-REKT u l-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-isfidi komuni għar-REKT eżistenti u dawk li qegħdin jinħolqu bħalissa u sabiex iżżid l-użu tar-REKT fil-politiki settorjali tal-Unjoni;jissuġġerixxi li l-Pjattaforma tar-REKT mill-2014 ’il quddiem tkun tista’ taqdi rwol simili għal dak li taqdi l-pjattaforma għall-iżvilupp urban li l-Kummissjoni pproponiet fil-Proposta għal Regolament tagħha dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali;

20.

jixtieq li din il-ħidma tiżvolġi fil-qafas tal-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tar-Reġjuni;

21.

jisħaq fuq l-importanza li dan ir-regolament speċifiku – li ma għandux implikazzjonijiet partikolari għall-baġit tal-Unjoni Ewropea – jiġi adottat mingħajr dewmien u mingħajr ma nistennew li jiġi adottat il-pakkett leġislattiv kollu dwar il-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013. Dan jagħmilha possibbli li r-Regolament jidħol fis-seħħ mill-iżjed fis possibbli u jagħti spinta ġdida lit-tfassil ta’ proġetti ġodda fil-qasam tar-REKT f’qafas legali sigur;

Analiżi tal-Proposta għal Regolamente

22.

jaqbel mal-ispirtu tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea li jagħmluha possibbli li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 jiġu aġġustati għall-prattika tar-REKT eżistenti u li jitjieb il-funzjonament tagħhom;

23.

jenfasizza li dawn il-proposti jippermettu t-tisħiħ tal-bażi legali Ewropea tar-REKT billi joffru soluzzjonijiet uniformi fil-livell Ewropew;

24.

jinsab sodisfatt bit-twessigħ tal-ambitu tar-REKT u bis-sħubija tiegħu, b’mod partikolari mal-intrapriżi pubbliċi skont it-tifsira tad-Direttiva 2004/17/KE;

25.

f’din il-perspettiva, jipproponi li t-tip ta’ intrapriżi li jistgħu jieħdu sehem f’REKT jitwessa’ biex jinkludi l-intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif definiti fid-Deċiżjoni (3) dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (4);

26.

jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fil-proposta tagħha għas-semplifikazzjoni tal-proċedura għat-twaqqif tar-REKT, sempliċement abbażi tal-approvazzjoni ta’ konvenzjoni waħda f’perjodu obbligatorju ta’ sitt xhur;

27.

huwa tal-fehma li jekk ir-regolament dwar l-adegwazzjoni bejn il-missjonijiet tar-REKT u l-kompetenzi tal-membri jsir anqas iebes, dan ser jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ governanza f’diversi livelli;

28.

għaldaqstant, jipproponi li jiġu ċċarati l-kriterji għall-approvazzjoni tal-konvenzjoni jew għaċ-ċaħda ta’ talba għall-ħolqien ta’ REKT;

29.

jenfasizza li r-REKT iwettaq missjonijiet f’isem il-membri tiegħu mingħajr ma jħaddem il-kompetenzi tagħhom. Ir-REKT mhuwiex għodda għall-fużjoni tal-kompetenzi tal-membri iżda għodda għall-implimentazzjoni ta’ proġetti jew programmi ta’ kooperazzjoni;

30.

jinsab sodisfatt li l-Proposta għal Regolament tinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-regolamenti nazzjonali applikabbli għall-kuntratti tal-persunal tar-REKT, li jikkostitwixxu standard ogħla li jkollu preċedenza fuq il-leġislazzjonijiet nazzjonali differenti li jeżistu f’dan il-qasam;

31.

jilqa’ b’sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-fruntieri esterni tal-UE u l-integrazzjoni tat-territorji ekstra-Ewropej fis-sħubija tar-REKT;

32.

jaqbel mal-possibbiltà li jinħoloq REKT “bilaterali” li jkun magħmul minn membri li jkunu ġejjin minn Stat Membru wieħed biss u membri li jkunu ġejjin minn pajjiż terz jew territorju ekstra-Ewropew;

33.

iqis bħala neċessarju li, sabiex din id-dispożizzjoni tiġi implimentata għalkollox, it-twaqqif ta’ dan it-tip ta’ REKT ma jitħalliex fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru iżda li l-ipoteżijiet ta’ twaqqif jiġu definiti b’mod oġġettiv fir-Regolament;

34.

iqis bħala pass ’il quddiem il-proposta mmirata lejn il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar ir-REKT il-ġodda fis-Serje C tal-ĠU tal-UE (Informazzjoni u Avviżi) abbażi ta’ formola li tkun tidher fl-anness għall-Proposta għal Regolament u mhux aktar fis-Serje S tal-ĠU tal-UE (Avviżi ta’ Xiri Pubbliku), bħalma huwa l-każ bħalissa;

35.

madankollu, ifakkar li r-REKT ma jistgħux jitolbu din il-pubblikazzjoni direttament;

36.

għaldaqstant, jipproponi li jkun il-Kumitat tar-Reġjuni, inkarigat miż-żamma tar-reġistru tar-REKT u tal-animazzjoni tal-Pjattaforma tar-REKT, illi jiżgura din il-pubblikazzjoni, u mhux il-Kummissjoni Ewropea kif propost fil-Proposta għal Regolament;

37.

huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni Ewropea li huwa utli li jiġu previsti dispożizzjonijiet li jagħmluha possibbli li REKT jistabbilixxi tariffi u miżati għall-użu ta’ infrastruttura ġestita minnu;

38.

iqis li din id-dispożizzjoni għandha tiġi estiża għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li r-REKT jaf ikollhom jiġġestixxu jew jipprovdu;

39.

jixtieq joffri soluzzjoni legali komuni għar-REKT kollha fir-rigward tal-firma ta’ konvenzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn REKT li jinsabu fl-istess fruntiera jew l-istess spazju ta’ kooperazzjoni transnazzjonali biex iwettqu proġett komuni;

40.

iqis li r-REKT għandhom ukoll ikunu kapaċi jiffirmaw konvenzjonijiet ta’ kooperazzjoni ma’ persuna ġuridika li tixtieq tikkoopera kull tant żmien fi proġett mingħajr ma taderixxi mar-REKT għall-missjonijiet kollha tiegħu;

41.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-fatt li huwa kumpless ħafna, jew saħansitra impossibbli, li fil-konvenzjoni titfassal lista sħiħa ex ante tal-leġislazzjonijiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali li ser ikunu applikabbli għall-attivitajiet tar-REKT;

42.

jaderixxi mal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-kjarifika tad-dispożizzjonijiet dwar is-sistema ta’ responsabbiltà tar-REKT, speċjalment l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ assigurazzjoni;

43.

madankollu, ifakkar li l-kunċett ta’ “responsabbiltà limitata” li ġej mis-sistema tal-“intrapriżi b’responsabbiltà limitata” jeżisti biss f’għadd żgħir ta’ pajjiżi tal-UE;

44.

iqis li huma biss il-kredituri potenzjali tar-REKT li jaqblilhom ikunu jafu minn qabel il-firxa tal-impenji finanzjarji tal-membri tar-REKT;

45.

jipproponi li r-REKT diġà maħluqa jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament il-ġdid, li huma aktar vantaġġużi minn dawk tar-Regolament Nru 1082/2006 dwar ir-REKT fis-seħħ bħalissa;

46.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jipproponu mudell mhux obbligatorju ta’ konvenzjoni u ta’ statuti li għandu jidher f’anness għar-Regolament sabiex jiffaċilita u jħaffef il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-ħolqien ta’ REKT.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Artikolu 1 (3)

Żid punt (f):

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

 (5);

Raġuni

Ara punt 24 tal-opinjoni.

Emenda 2

Artikolu 1 (4)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.   REKT jista’ jkunu magħmul minn membri li ġejjin minn territorju ta’ Stat Membru wieħed biss u ta’ pajjiż terz jew territorju barra mill-pajjiż, fejn dak l-Istat Membru jikkonsidra tali REKT konsistenti mal-ambitu ta’ kooperazzjoni territorjali tiegħu jew mar-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiż terz jew territorju barra mill-pajjiż.

2.   REKT jista’ jkun magħmul minn membri li ġejjin minn territorju ta’ Stat Membru wieħed biss u ta’ pajjiż terz jew territorju , konsistenti mal-ambitu:

-kooperazzjoni territorjali jew

-relazzjonijiet bilaterali mal-pajjiż terz jew territorju .

Raġuni

Il-kriterji li jippermettu l-awtorizzazzjoni jew iċ-ċaħda tal-ħolqien ta’ REKT li l-membri tiegħu jkunu ġejjin minn Stat Membru wieħed biss u minn pajjiż terz jew territorju ekstra-Ewropew wieħed biss għandhom ikunu oġġettivi u għandhom jikkorrispondu ma’ waħda mit-tliet ipoteżijiet elenkati fl-emenda. Il-ħolqien ta’ dan it-tip ta’ REKT m’għandux jitħalla fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru.

Emenda 3

Artikolu 1 (5) (a)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

“3.   Wara notifika taħt il-paragrafu 2 minn membru prospettiv, l-Istat Membru kkonċernat għandu, waqt li jieħu kont tal-istruttura kostituzzjonali tiegħu, japprova l-konvenzjoni u l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv fir-REKT, sakemm huwa ma jqisx li tali parteċipazzjoni mhijiex konformi ma’ dan ir-Regolament, ma’ liġijiet oħra tal-Unjoni li jikkonċernaw l-attivitajiet tar-REKT jew mal-liġi nazzjonali li tirrigwarda l-kompentenzi tal-membru prospettiv jew li tali parteċipazzjoni mhijiex ġustifikata għal raġunijiet ta’ interess pubbliku jew ta’ politika pubblika ta’ dak l-Istat Membru. F’każ bħal dan, l-Istat Membru għandu jagħti dikjarazzjoni bir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil jew għandu jissuġġerixxu l-emendi meħtieġa għall-konvenzjoni li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv.

“3.   Wara notifika taħt il-paragrafu 2 minn membru prospettiv, tat Membru kkonċernat , waqt li kont tal-istruttura kostituzzjonali , l-konvenzjoni u l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv fir-REKT, li tali parteċipazzjoni:

mhijiex konformi ma’ dan ir-Regolament, ma’ liġijiet oħra tal-Unjoni li jikkonċernaw l-attivitajiet tar-REKT jew

mal-liġi nazzjonali li tirrigwarda l-kompentenzi tal-membru prospettiv, , jew

mhijiex ġustifikata għal raġunijiet ta’ politika pubblika ta’ dak l-Istat Membru.

F’każ bħal dan, tat Membru dikjarazzjoni bir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ qbil jew l-emendi meħtieġa għall-konvenzjoni li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv.

Raġuni

In-notifika ssir lil waħda mid-79 awtorità kompetenti tal-UE maħtura mis-27 Stat Membru li għandhom jidhru fir-Regolament.

Fil-Proposta għal Regolament, il-kompetenza ta’ membru għal kull Stat Membru hija biżżejjed biex l-adeżjoni tal-membri kollha tal-istess Stat Membru tkun ġustifikata (Artikolu 7(2)). Jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(3) dwar il-kontroll tal-adegwazzjoni tal-kompetenzi tal-membri mal-ambitu tar-REKT jitqiegħdu f’konformità ma’ dik tal-Artikolu 7(2).

Iċ-ċensura ta’ parteċipazzjoni li ma tkunx ġustifikata permezz tal-interess ġenerali hija żejda, jekk fl-istess waqt tiġi eżaminata l-konformità tal-parteċipazzjoni tal-membru mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, peress li r-Regolament diġà jiddefinixxi l-ambitu ta’ azzjoni tar-REKT fl-Artikolu 1(2).

Emenda 4

Artikolu 1 (6)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-Artikolu 5 huwa sostitwit kif ġej:

“Artikolu 5

Il-ksib ta’ personalità ġuridika u l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali

1.   Il-konvenzjoni u l-istatuti u xi emendi sussegwenti għalihom għandhom ikunu reġistrati jew ippubblikati, jew it-tnejn, skont il-liġi nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru fejn ir-REKT ikkonċernat għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu. Ir-REKT għandu jikseb personalità ġuridika fil-jum tar-reġistrazzjoni jew tal-pubblikazzjoni tiegħu, skont liema sseħħ l-ewwel. Il-membri għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-reġistrazzjoni jew il-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni.

2.   Ir-REKT għandu jizgura li, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mir-reġistrazzjoni jew mill-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni, tintbagħat talba lill-Kummissjoni fuq galvu kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha mbagħad titrasferixxi din it-talba lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, għall-pubblikazzjoni ta’ avviż fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar it-twaqqif ta’ REKT, bid-dettalji mniżżla fl-Anness għal dan ir-Regolament.”

L-Artikolu 5 huwa sostitwit kif ġej:

“Artikolu 5

Il-ksib ta’ personalità ġuridika u l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali

1.   Il-konvenzjoni u l-istatuti u - emendi sussegwenti għalihom għandhom ikunu reġistrati jew ippubblikati, jew it-tnejn, skont il-liġi nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru fejn ir-REKT ikkonċernat għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, . Ir-REKT għandu jikseb personalità ġuridika fil-jum tar-reġistrazzjoni jew tal-pubblikazzjoni tiegħu , skont liema sseħħ l-ewwel. Il-membri għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri kkonċernati, u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-reġistrazzjoni jew il-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni.

2.   Ir-REKT għandu jigura li, fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mir-reġistrazzjoni jew mill-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni, tintbagħat talba stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament. mbagħad din it-talba lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, għall-pubblikazzjoni ta’ avviż fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar it-twaqqif ta’ REKT, bid-dettalji mniżżla fl-Anness għal dan ir-Regolament.”

Raġuni

Il-Kumitat tar-Reġjuni, inkarigat miż-żamma tar-reġistru tar-REKT u tal-animazzjoni tal-Pjattaforma tar-REKT, huwa msejjaħ biex jiżgura l-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni fis-Serje C, peress li din il-pubblikazzjoni ma tistax tintalab mir-REKT stess.

Il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jiżvolġu fil-qafas tal-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet.

Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni u l-istatuti fl-Istat Membru biss fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu hija diskriminatorja u tmur kontra l-esiġenza ta’ trasparenza u tad-dritt għall-informazzjoni taċ-ċittadini.

Emenda 5

Artikolu 1 (8) (b)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(b)

Fil-paragrafu 4 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Madankollu, l-assemblea msemmija fl-Artikolu 10(1)(a) ta’ REKT tista’ tiddefinixxu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu ta’ oġġett ta’ infrastruttura li r-REKT qed jamministra, inklużi t-tariffi u miżati li jitħallsu mill-utenti.”

(b)

Fil-paragrafu 4 jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Madankollu, l-assemblea msemmija fl-Artikolu 10(1)(a) ta’ REKT tista’ tiddefinixx t-termini u l-kundizzjonijiet tal-użu ta’ oġġett ta’ infrastruttura li r-REKT qed jamministra, inklużi t-tariffi u miżati li jitħallsu mill-utenti.”

Raġuni

Ir-REKT għandhom jingħataw il-possibbiltà li jiddefinixxu t-tariffi u l-miżati għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jorganizzaw huma mingħajr ġestjoni ta’ infrastruttura korrispondenti.

Emenda 6

Artikolu 1 (8)

Żid punt (c)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Raġuni

Ir-REKT kollha għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn bażi legali Ewropea biex jibnu sħubijiet ma’ REKT oħra jew ma’ persuni ġuridiċi oħra biex iwettqu proġetti komuni ta’ kooperazzjoni.

Emenda 7

Artikolu 1 (9) (h)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(h)

il-liġi speċifika tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli għall-attivitajiet tiegħu, filwaqt li tal-aħħar tista’ tkun il-liġi tal-Istat Membru fejn organi statutorji jeżerċitaw il-poteri tagħhom jew fejn ir-REKT iwettaq l-attivitajiet tiegħu;

;

Raġuni

Huwa kważi impossibbli li titfassal lista ex ante tal-leġislazzjonijiet Ewropej, nazzjonali u reġjonali li r-REKT ser ikollu japplika fl-implimentazzjoni tal-missjonijiet tiegħu u fit-territorju ta’ azzjoni kollu tiegħu.

Emenda 8

Article 1(12)(b) (2a)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2a.   Jekk ir-responsabbiltà ta’ mill-inqas membru wieħed ta’ REKT tkun limitata jew eskuża bħala riżultat tal-liġi nazzjonali li taħtha jkun iffurmat, il-membri l-oħra jistgħu wkoll jillimitaw ir-responsabbiltà tagħhom fil-konvenzjoni.

L-isem ta’ REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandu jinkludi l-kelma “limitat”.

Ir-rekwiżit għall-pubbliċità tal-konvenzjoni, l-istatuti u l-kontijiet ta’ REKT li l-membri tiegħu għandhom responsabbiltà limitata għandhom ikunu mill-anqas ugwali għal dawk meħtieġa għal entitajiet legali oħra b’responsabbiltà limitata tal-membri tagħhom, stabbiliti taħt il-liġijiet tal-Istat Membru fejn dak ir-REKT għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

Fil-każ ta’ REKT li l-membri tiegħu għandhom responsabbiltà limitata, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li REKT għandu jagħmel assigurazzjoni adatta biex ikopri r-riskji speċifiċi għall-attivitajiet tar-REKT.”

2a.   Jekk ir-responsabbiltà ta’ mill-inqas membru wieħed ta’ REKT tkun limitata jew eskuża bħala riżultat tal-liġi nazzjonali li taħtha jkun iffurmat, il-membri l-oħra jistgħu wkoll jillimitaw ir-responsabbiltà tagħhom fil-konvenzjoni.

REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata .

Ir-rekwiżit għall-pubbliċità tal-konvenzjoni, l-istatuti u l-kontijiet ta’ REKT li l-membri tiegħu għandhom responsabbiltà limitata għandhom ikunu mill-anqas ugwali għal dawk meħtieġa għal entitajiet legali oħra b’responsabbiltà limitata tal-membri tagħhom, stabbiliti taħt il-liġijiet tal-Istat Membru fejn dak ir-REKT għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

Fil-każ ta’ REKT li l-membri tiegħu għandhom responsabbiltà limitata, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li REKT għandu jagħmel assigurazzjoni adatta biex ikopri r-riskji speċifiċi għall-attivitajiet tar-REKT.”

Raġuni

Huma biss il-kredituri potenzjali tar-REKT li jaqblilhom ikunu jafu minn qabel il-firxa tal-impenji finanzjarji tal-membri tar-REKT; huwa għalhekk li l-fatt li titniżżel il-kelma “limitat” ħdejn isem ir-REKT ma jippermettix li tintwera l-firxa tal-impenji finanzjarji tal-membri u tad-dispożizzjonijiet ta’ assigurazzjoni li eventwalment jibbenefika minnhom ir-REKT.

Emenda 9

Artikolu 1 (14a)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Raġuni

Din l-emenda tipproponi li jiżdied artikolu ġdid mar-Regolament Nru 1082/2006 dwar ir-REKT (dan l-artikolu jsir Artikolu 17 tar-Regolament inkwistjoni). L-emenda proposta żżomm mal-ispirtu tal-emenda mressqa f’punt 19.

Emenda 10

Artikolu 2

Żid punt ġdid wara punt 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

   

Raġuni

Ir-REKT diġà maħluqa għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament preżenti, li huma aktar vantaġġużi mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006.

Emenda 11

ANNESS

Il-modifiki proposti huma indikati bil-kulur fit-test imressaq mill-Kummissjoni Ewropea.

Emenda

ANNESS

tal-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata skont l-Artikolu 5(2)

IT-TWAQQIF TA’ RAGGRUPPAMENT EWROPEW TA’ KOOPERAZZJONI TERRITORJALI (REKT)

Ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006

(ĠU L 210, 31.7.2006, p. 219)

L-isem ta’ REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandu jinkludi l-kelma ‘limitat’ (L-Artikolu 12(2))

L-asterisk * tindika l-oqsma obbligatorji.

Image

Image

Image

Brussell, 15 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 308/2007 fin u CdR 100/2010 fin.

(2)  Il-127 laqgħa tal-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni, 26 ta’ Jannar 2011, punt 6. Ref CdR 397/2010.

(3)  C(2011) 9380 final, adottata fl-20 ta’ Diċembru 2011.

(4)  Dan l-artikolu jittratta l-għajnuna mill-Istat f’forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil ċerti intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

(5)  COM(2011) 146 finali.


18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/34


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-faqar fost it-tfal”

2012/C 113/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett tal-ħidma kontra l-faqar u l-isfruttament fost it-tfal u jenfasizza r-responsabbiltà kruċjali tagħhom għall-prevenzjoni tal-marġinalizzazzjoni u l-esklużjoni soċjali; jaqbel li l-faqar fost it-tfal huwa fenomenu multidimensjonali li jirrikjedi tweġiba multidimensjonali, u jipproponi li titjib f’għadd żgħir ta’ oqsma ewlenin, bħal qbil dwar id-dħul minimu u standards ta’ kwalità, jista’ jkun vitali biex tiġi indirizzata l-problema tal-faqar fost it-tfal;

jenfasizza l-importanza tax-xogħol imħallas, iżda jinnota wkoll li l-impjieg biss ma jiggarantix soluzzjoni għall-faqar u li jeħtieġ aktar azzjoni biex tiġi miġġielda l-problema tal-faqar fost dawk li jaħdmu;

jisħaq li l-Istati Membri kollha għandhom jagħrfu li l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali huma ostakli ċentrali li jridu jingħelbu jekk irridu li jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 fir-rigward tar-rata tal-impjiegi, l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, l-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli;

jesprimi t-tħassib tiegħu li l-kriżi ekonomika u finanzjarja, u r-rispons ta’ xi Stati Membri għaliha, qed iwasslu għal livelli ogħla ta’ faqar assolut, żieda fil-livelli tal-faqar fost dawk li jaħdmu u żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ.

Relatur

Is-Sinjura HUDDART (UK/ALDE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Newcastle

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali ta’ introduzzjoni

1.

jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fl-2012 tippubblika Rakkomandazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal u jilqa’ l-opportunità li permezz ta’ din l-opinjoni ta’ prospettiva jikkontribwixxi biex ikomplu jinġiebu ’l quddiem l-għanijiet tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali; jilqa’ t-tliet oqsma ta’ politika identifikati bħala parti mir-Rakkomandazzjoni: riżorsi adegwati; aċċess għas-servizzi u parteċipazzjoni attiva tat-tfal u ż-żgħażagħ; jinnota li, minkejja li nħarġu dikjarazzjonijiet politiċi qawwija mill-Kapijiet tal-Istati tal-UE biex il-faqar fost it-tfal jingħata prijorità, dawn mhux dejjem wasslu għal riżorsi, azzjoni, miri u monitoraġġ konsistenti madwar l-Istati Membri kollha tal-UE;

2.

jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett tal-ħidma kontra l-faqar u l-isfruttament fost it-tfal u jenfasizza r-responsabbiltà kruċjali tagħhom għall-prevenzjoni tal-marġinalizzazzjoni u l-esklużjoni soċjali; jaqbel li l-faqar fost it-tfal huwa fenomenu multidimensjonali li jirrikjedi tweġiba multidimensjonali, u jipproponi li titjib f’għadd żgħir ta’ oqsma ewlenin, bħal qbil dwar id-dħul minimu u standards ta’ kwalità, jista’ jkun vitali biex tiġi indirizzata l-problema tal-faqar fost it-tfal;

3.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-faqar fost it-tfal mhuwiex kwistjoni periferali jew residwa li tisparixxi mat-tkabbir ekonomiku (1); iż-żieda fit-tkabbir matul il-perjodu 2000-2008 ma kellhiex impatt sostanzjali fuq il-livell ta’ faqar fost it-tfal; il-faqar fost it-tfal kien oġġett ta’ mistħija għas-soċjetà tal-UE qabel il-kriżi ekonomika u huwa mħasseb li ċerti azzjonijiet minn xi Stati Membri jistgħu, bla ma jridu, iżidu l-livelli tal-faqar fost it-tfal; jirrikonoxxi li hemm gruppi partikolari ta’ tfal li jinsabu f’riskju kbir ta’ faqar aktar serju jew estrem iżda jenfasizza li t-tfal innifishom jagħmlu parti minn grupp partikolari fi ħdan is-soċjetà li sikwit ikun f’riskju akbar ta’ faqar mill-popolazzjoni ġenerali;

4.

Definizzjoni waħda tal-faqar hija:

Individwi, familji u gruppi tal-popolazzjoni jistgħu jissejħu li jinsabu fil-faqar meta ma jkollhomx ir-riżorsi biex jieklu t-tip ta’ ikel, jipparteċipaw fl-attivitajiet u jkollhom il-kundizzjonijiet ta’ għajxien u l-kumditajiet li huma mifruxin, jew almenu mħeġġa jew approvati b’mod wiesa’, fis-soċjetajiet fejn jgħixu. Ir-riżorsi tagħhom tant huma inqas minn dawk li għandhom l-individwi jew il-familji fil-medja, li fil-fatt dawn jiġu esklużi mill-istil ta’ ħajja, id-drawwiet u l-attivitajiet ordinarji  (2);

5.

jinnota li l-livell ta’ dħul ta’ anqas minn 60 % tad-dħul medju tal-familji huwa l-aktar mod li jintuża biex jitkejjel il-faqar madwar l-Istati Membri u l-UE; iżda jinnota l-bżonn li tiġi inkluża varjetà ta’ kriterji għall-kejl tal-faqar assolut, bħall-inklużjoni soċjali, l-aċċess għas-servizzi, is-suċċess fl-edukazzjoni u t-tul tal-ħajja mistenni mat-twelid, bħalma jindika l-Indiċi ta’ Żvilupp tal-Bniedem (3). Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-faqar u l-esklużjoni soċjali ngħataw aktar attenzjoni fl-Istrateġija Ewropa 2020, u jaqbel li d-dimensjoni soċjali għandha tkun fil-qalba ta’ din l-istrateġija filwaqt li jfakkar li l-faqar huwa theddida għal 20 miljun tifel u tifla li jgħixu fl-UE;

6.

jenfasizza li l-faqar jista’ jkollu effetti devastanti fuq it-tfal u l-esperjenza tagħhom tat-tfulija kif ukoll fuq l-opportunitajiet għall-ħajja futura tagħhom; jilqa’ r-referenzi biex il-faqar fost it-tfal jiġi indirizzat bħala prijorità tal-inizjattiva ewlenija Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, iżda, jiddispjaċih li l-impenn biex dan iseħħ huwa limitat u li m’hemmx mira speċifika dwar il-faqar fost it-tfal fi ħdan l-inizjattiva;

7.

jilqa’ l-impenn favur il-pubblikazzjoni, f’Ġunju 2012, ta’ Rakkomandazzjoni u ta’ Komunikazzjoni dwar il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tat-tfal; jappoġġja l-qafas propost għar-Rakkomandazzjoni dwar il-faqar fost it-tfal u l-benesseri tat-tfal; jirrikonoxxi li f’dan il-kuntest huwa importanti li jiġu involuti t-tfal li jgħixu fil-faqar u jilqa’ l-inklużjoni tal-parteċipazzjoni attiva fi ħdan il-qafas; filwaqt li jipproponi li r-Rakkomandazzjoni u l-Komunikazzjoni għandhom jenfasizzaw il-valur tal-organizzazzjonijiet umanitarji bħall-UNICEF u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-provvediment ta’ servizzi biex jiġi żgurat li t-tfal ikunu mħarsa mill-faqar u n-nuqqasijiet materjali li dan iġib miegħu;

8.

jinnota li dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna huma l-iktar li ntlaqtu mill-kriżi finanzjarja attwali u l-evidenza turi li t-tfal, u partikolarment iż-żgħażagħ, jintlaqtu b’mod sproporzjonat (4), filwaqt li jindika li xi tfal minn gruppi ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli bħat-tfal tat-triq, il-familji b’ġenitur wieħed, il-familji kbar migranti jew dawk ta’ minoranza etnika, bħar-Roma, jinsabu f’periklu akbar ta’ marġinalizzazzjoni, faqar u esklużjoni soċjali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li filwaqt li l-globalizzazzjoni u ż-żieda fil-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi jista’ jkollhom benefiċċji sinifikanti għal ħajjet l-individwi, dawn ta’ sikwit mhumiex imqassmin b’mod ugwali; għandhom isiru sforzi ħalli ħadd ma jiġi eskluż kompletament mill-benefiċċji;

9.

jinnota li enfasi qawwija fuq il-politika dwar il-faqar fost it-tfal f’dawn l-aħħar snin fi ħdan l-UE u dikjarazzjonijiet politiċi ta’ appoġġ mill-Kapijiet ta’ Stat tal-UE ma wasslux għal tnaqqis sinifikanti fil-livelli tal-faqar fost it-tfal; u jinsisti li l-appoġġ politiku għall-indirizzar ta’ dawn il-kwistjonijiet jeħtieġ iwassal għal riżorsi, azzjoni u miri konsistenti fl-Istati Membri kollha tal-UE;

10.

jenfasizza l-importanza tax-xogħol imħallas, iżda jinnota wkoll li l-impjieg biss ma jiggarantix soluzzjoni għall-faqar u li jeħtieġ aktar azzjoni biex tiġi miġġielda l-problema tal-faqar fost dawk li jaħdmu (5);

11.

jisħaq li l-Istati Membri kollha għandhom jagħrfu li l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali huma ostakli ċentrali li jridu jingħelbu jekk irridu li jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 fir-rigward tar-rata tal-impjiegi, l-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp, l-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli;

12.

jaqbel li, f’wieħed mill-aktar reġjuni għonja tad-dinja fis-seklu 21, mhuwiex aċċettabbli li 20 miljun tifel u tifla jinsabu fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar, u li (6) l-faqar mhux sempliċement l-introjtu baxx jew in-nuqqas tiegħu – huwa wkoll iċ-ċaħda ta’ setgħa, rispett, edukazzjoni, saħħa u dar adegwati, l-istima personali u l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet soċjali;

13.

jenfasizza li anke l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti rrikonoxxiet in-natura speċjali tal-faqar fost it-tfal. In-NU tenfasizza wkoll li l-faqar fost it-tfal mhuwiex biss in-nuqqas ta’ flus. Il-faqar fost it-tfal jista’ jinfiehem biss bħala ċ-ċaħda ta’ għadd ta’ drittijiet previsti fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li b’mod espliċitu tirrikonoxxi d-dritt ta’ kull tifel u tifla għal livell adegwat ta’ ħajja għall-iżvilupp fiżiku, mentali, spiritwali, morali u soċjali tagħhom (Artikolu 27). Fil-maġġoranza tal-każijiet, sitwazzjoni ta’ faqar fost it-tfal timplika ċaħda tad-drittijiet għas-sopravivenza, il-protezzjoni, l-iżvilupp u l-parteċipazzjoni stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

14.

jisħaq li ħafna studji juru li politika effettiva ta’ ridistribuzzjoni tar-riżorsi lejn il-familji bit-tfal taqdi rwol importanti fit-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal. It-trasferimenti soċjali jnaqqsu l-faqar fost it-tfal b’mhux inqas minn 44 % fl-UE kollha;

Politika tal-UE

15.

jenfasizza li jeħtieġ ikun hemm fehim akbar tal-vantaġġi tan-nefqa/benefiċċju fir-rigward tal-investiment fil-ġlieda kontra l-faqar u l-isfruttament fost it-tfal (7), l-esklużjoni soċjali u inugwaljanzi soċjali usa’; jinnota l-benefiċċji għas-soċjetà ġenerali ta’ aktar ugwaljanza u inqas marġinalizzazzjoni, inqas esklużjoni u faqar fi ħdan is-soċjetajiet u jenfasizza l-vantaġġi ekonomiċi u finanzjarji u soċjali tal-investiment fit-tfal u l-familji minn stadju bikri (8);

16.

jappoġġja l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Indirizzar tal-faqar tat-tfal u l-promozzjoni tal-benesseri tat-tfal tas-17 ta’Ġunju 2011, li jappellaw biex il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal tkun prijorità; huwa jappoġġja wkoll l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali tal-15 ta’ Frar 2011 li tappella biex il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal tingħata prijorità fl-oqsma rilevanti kollha;

17.

jaqbel li diġà hemm bażi ta’ evidenza konsiderevoli dwar il-faqar fost it-tfal fi ħdan l-UE; jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-livell ta’ faqar fost it-tfal fl-Istati Membri jvarja bejn 11 % u 33 %; u jirrakkomanda li r-riżorsi jitużaw biex din il-bażi ta’ evidenza, tinfiehem, tinxtered u tintuża u jiġu skambjati l-aħjar prattiki madwar l-Istati Membri;

18.

jesprimi t-tħassib tiegħu li l-kriżi ekonomika u finanzjarja, u r-rispons ta’ xi Stati Membri għaliha, qed iwasslu għal livelli ogħla ta’ faqar assolut, żieda fil-livelli tal-faqar fost dawk li jaħdmu u żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ (9);

19.

jenfasizza l-importanza ta’ politiki mmirati biex jitkisser iċ-ċiklu ta’ faqar li jingħadda minn ġenerazzjoni għall-oħra. Biex dan iseħħ, hemm bżonn ta’ politiki transsettorjali li jinvolvu miżuri soċjali u ta’ edukazzjoni mmirati mhux biss biex jiżguraw li l-ġenituri jkollhom impjieg, iżda li jkunu mmirati direttament għat-tfal;

20.

jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrikonoxxu aktar il-fatt li l-faqar huwa responsabbiltà kondiviża u sfida għas-soċjetà kollha, u li m’għandux jiġi kkunsidrat bħala stigma jew nuqqas tan-nies li huma foqra jew esklużi soċjalment;

21.

itenni t-talba biex il-Kummissjoni tiżgura li l-Fondi Strutturali jinkludu opportunitajiet għat-titjib tad-djar soċjali; biex ir-rwol tagħha jissaħħaħ fil-politiki ta’ inklużjoni soċjali u biex jiġi kkonfermat li l-funzjonijiet tas-servizz pubbliku tad-djar soċjali għandhom jiġu definiti fil-livell tal-Istati Membri;

22.

jaqbel li sabiex jittaffa u jiġi evitat il-faqar hemm bżonn ta’ approċċ integrat u olistiku li jkopri l-ħtiġijiet tal-gruppi differenti u l-isfidi partikolari li jiffaċċjaw;

Riżorsi adegwati

23.

jappoġġja l-fehma li l-faqar tal-introjtu huwa wieħed mill-aktar sinjali viżibbli tad-deprivazzjoni soċjali li tolqot lit-tfal b’modi differenti mill-adulti (10) iżda dan huwa biss wieħed minn bosta fatturi tal-faqar fost it-tfal li jridu jiġu indirizzati; jaqbel li hemm nuqqas ta’ fehim tal-istandards minimi li huma meħtieġa biex jiġu rispettati d-drittijiet tat-tfal; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jivvalutaw il-possibbiltà li jindirizzaw il-problema f’oqsma ewlenin bħall-appoġġ għad-dħul finanzjarju, l-aċċess għas-servizzi u l-parteċipazzjoni tat-tfal;

24.

jinnota li hemm tendenza li l-pajjiżi li jonfqu l-aktar fuq il-benefiċċji soċjali jkollhom ċifri iktar baxxi ta’ faqar fost it-tfal; jaqbel li l-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ jikkunsidraw li jtejbu l-benefiċċji tat-tfal bħala espressjoni ta’ solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, b’rikonoxximent tal-valur inerenti tat-tfulija u bħala investiment fil-ġejjieni tal-Ewropa;

25.

jilqa’ l-proposta li jiġi żviluppat qafas biex jiżgura dħul globali minimu adegwat għat-tfal kollha, li jqis id-dħul tal-familja kollha, kemm tal-ġenituri kif ukoll tat-tfal;

26.

jisħaq fuq l-importanza ta’ politiki pubbliċi preventivi li jinvestu f’politiki intelliġenti għall-benesseri tat-tfal, li jappoġġjaw it-trobbija ta’ individwi awtonomi, u li huma kapaċi jintegraw fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, iktar minn politiki li jiffokaw fuq il-konsegwenzi tal-esklużjoni soċjali u l-faqar fost it-tfal;

27.

itenni l-importanza ta’ riżorsi oħra apparti t-trasferimenti; il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol tista’ biss twassal biex it-tfal joħorġu mill-faqar jekk il-pagi jkunu adegwati f’dan ir-rigward u jekk jinstab bilanċ bejn il-ħtiġijiet differenti tax-xogħol tal-ġenituri; jistieden lill-Istati Membri jilqgħu l-proposta li tiżdied rakkomandazzjoni dwar leġislazzjoni dwar livelli adegwati ta’ dħul u li jiġi żgurat impjieg ‘deċenti’ (11) u jipproponi li l-leġislazzjoni tal-protezzjoni tal-impjieg tkun parti minn din ir-rakkomandazzjoni; madankollu, jenfasizza li xi nies mhumiex disponibbli fis-suq tax-xogħol u ma jistgħux jaħdmu u t-trasferimenti jridu jirrikonoxxu dan il-fatt;

28.

jagħraf li l-benefiċċji universali tat-tfal huma l-iktar mod effettiv biex jingħata appoġġ għad-dħul finanzjarju lill-familji bit-tfal u li dawn għandhom ikunu abbinati ma’ benefiċċji speċifiċi għal dawk il-persuni l-iktar fil-bżonn (12);

29.

jitlob biex il-kelma “adegwat” tiġi ċċarata aktar u jħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jaqblu dwar standards tal-UE jew jistabbilixxu metodoloġija maqbula biex jiġu determinati l-ispejjeż li jirrappreżentaw it-tfal u biex jiġu definiti riżorsi adegwati għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal; jipproponi li kwalunkwe definizzjoni għandha tqis il-punti li ġejjin: adegwat għal min? adegwat għal liema tul ta’ żmien? adegwat għal xiex? u min jgħid x’inhu adegwat? (13);

30.

jappoġġja bis-sħiħ is-suġġeriment li l-Istati Membri jitħeġġu jaġixxu b’kawtela huma u jżidu l-kundizzjonalità u jużaw sanzjonijiet fis-sistema tal-benefiċċji biex jiġi evitat li jiġu ppenalizzati t-tfal u li dawn jibqgħu mingħajr ir-riżorsi neċessarji; jinnota li dan l-approċċ ħafna drabi jżid l-istigmatizzazzjoni ta’ dawk il-familji u t-tfal fil-faqar u l-perċezzjoni li l-faqar huwa kkawżat mill-fallimenti jew in-nuqqasijiet personali; jinnota li l-kriżi ekonomika wasslet għal żidiet konsiderevoli fil-qgħad, fi dħul tal-familji staġnat u f’żieda fl-għoli tal-ħajja f’ħafna Stati Membri; jenfasizza r-rwol importanti li jistgħu jaqdu s-servizzi konsultattivi biex id-dħul tal-familji jiżdied kemm jista’ jkun u jinnota li f’għadd ta’ Stati Membri dawn is-servizzi jistgħu jkunu mhedda;

31.

jaqbel li bilanċ tajjeb bejn ix-xogħol u l-ħajja għall-ġenituri huwa kruċjali għall-benesseri tat-tfal u tas-soċjetà peress li kemm il-faqar tal-introjtu kif ukoll il-‘faqar ta’ ħin’ jistgħu jagħmlu ħsara lill-iżvilupp tat-tfal; jaqbel li l-impjieg prekarju, il-ħinijiet tax-xogħol mhux soċjevoli u l-impjiegi b’pagi baxxi għall-ġenituri jistgħu jkunu ta’ detriment għall-ħajja adulta u l-iżvilupp tat-tfal (14);

Aċċess għas-servizzi

32.

jilqa’ l-enfasi li jiġi żgurat li t-tfal kollha jkollhom aċċess għal servizzi ta’ kwalità tajba fi stadju kruċjali tal-iżvilupp tagħhom u jinnota li s-saħħa, l-appoġġ għat-trobbija tat-tfal u l-familji, l-edukazzjoni, id-djar u l-protezzjoni huma servizzi ewlenin li sikwit jiġu provduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

33.

jagħraf l-importanza tal-edukazzjoni tat-tfal fl-ewwel snin u taċ-ċentri tal-kura tat-tfal u tal-kwalità tas-servizzi mmirati għal tfal żgħar; jenfasizza li l-intervent effettiv fl-ewwel snin u l-appoġġ tul it-tfulija u l-adoloxxenza (u b’mod partikolari fil-mumenti kruċjali (15)) jista’ jkollhom impatt ta’ ġid sinifikanti fuq l-iżvilupp tat-tfal; jinnota li xi servizzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħan-nurseries, l-iskejjel, il-libreriji u l-klabbs ta’ wara l-ħin tal-iskola huma kruċjali biex jiżdied il-benesseri tat-tfal, iżda f’ħafna Stati Membri, dawn huma mhedda mill-programmi ta’ awsterità (16);

34.

jilqa’ l-proposta li jissaħħaħ ir-rwol tal-edukazzjoni fil-prevenzjoni u l-ksur taċ-ċiklu tal-faqar billi jitneħħew l-ostakli finanzjarji kollha għall-edukazzjoni, jiġu żgurati opportunitajiet indaqs u jiġi provdut l-appoġġ addizzjonali neċessarju biex jiġi kkumpensat kwalunkwe żvantaġġ; jirrikonoxxi l-importanza ta’ aċċess ġust għall-provvisti relatati mal-edukazzjoni, li huma invarjabbilment provduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħal ikliet b’xejn fl-iskejjel, kotba u materjal edukattiv b’xejn, appoġġ finanzjarju għall-parteċipazzjoni fi żjajjar ma’ tal-iskola u attivitajiet kulturali għat-tfal li jkunu ġejjin minn familji bi dħul baxx u familji li jinsabu f’riskju ta’ faqar;

35.

jenfasizza r-rwol li jaqdu ċ-ċentri tal-kura tat-tfal biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal. Għat-tfal infushom, dawn iċ-ċentri jipprovdu opportunità għal kuntatt ma’ tfal oħra u mal-persuni li jieħdu ħsiebhom fiċ-ċentru u dan huwa ta’ vantaġġ għalihom. L-iżvilupp konoxxittiv, lingwistiku, emozzjonali u soċjali tagħhom jista’ jittejjeb u l-effetti jidhru li jdumu;

36.

jenfasizza l-impatt qerriedi li l-faqar jista’ jkollu fuq is-saħħa tat-tfal (17); jinsab imħasseb li, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa, hemm enfasi limitata fuq l-aċċess tat-tfal għas-saħħa flimkien ma’ nuqqas ġenerali ta’ għarfien u prijorità politika u impenn insuffiċjenti biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fil-qasam tas-saħħa; jipproponi li l-importanza li tittejjeb is-saħħa tat-tfal, inkluża s-saħħa mentali, tiġi enfasizzata fir-Rakkomandazzjoni u l-Komunikazzjoni; jaqbel li t-tfal għandhom ikunu fil-mira speċifika tal-isforzi ġenerali għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-saħħa u li għandu jkun żgurat l-aċċess universali għall-kura tas-saħħa tal-gruppi l-foqra u dawk soċjalment esklużi, bl-inklużjoni tat-tfal kollha;

37.

jinsab imħasseb ukoll li l-kwistjonijiet ambjentali bħat-tniġġis, it-traffiku, l-art kontaminata u l-ilma li mhux tajjeb għax-xorb sikwit jaffettwaw b’mod sproporzjonat lit-tfal li jgħixu fil-faqar; jilqa’ l-proposta li jittieħed kull sforz biex tiġi evitata l-gettoizzazzjoni tat-tfal li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali u biex tiġi promossa taħlita soċjali fid-djar; jilqa’ l-proposta biex it-tfal u l-familji u l-komunitajiet tagħhom jiġu inklużi fl-ippjanar; jissuġġerixxi li l-introduzzjoni ta’ standards minimi għad-djar tat-tfal, li jikkunsidraw il-prijorità assoluta tad-drittijiet tat-tfal, għandha titqies fir-Rakkomandazzjoni;

38.

jaqbel li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal ma jiċċaħħdux mill-familji tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi tal-familja biex jieħdu ħsieb it-tfal u jagħraf li riżorsi adegwati garantiti jiżguraw li dan ma jiġrix; iwissi kontra t-tisħiħ tal-istigmatizzazzjoni assoċjata mal-faqar billi l-faqar jiġi abbinat wisq mill-qrib mal-abbuż fil-familja u jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħarsien tat-tfal;

Parteċipazzjoni attiva tat-tfal u taż-żgħażagħ

39.

jappoġġja bis-sħiħ l-enfasi fuq il-parteċipazzjoni attiva tat-tfal u taż-żgħażagħ fir-Rakkomandazzjoni proposta; jaqbel li jeżistu xi ostakli għall-parteċipazzjoni tat-tfal kollha u li dawn jitkattru għat-tfal li jkunu żvantaġġjati u li wisq probabbli l-approċċi tradizzjonali għall-konsultazzjoni jistgħu ma jirnexxux f’dan il-kuntest, madankollu, għandu jitħeġġeġ approċċ parteċipattiv attiv fil-familji, fil-komunitajiet, fl-NGOs u fis-settur privat sabiex jissaħħaħ mill-ġdid l-impenn fis-soċjetà kollha;

40.

jipproponi li l-parteċipazzjoni tat-tfal tinkludi opportunitajiet li jikkontribwixxu u jinfluwenzaw deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom, involviment fl-isport u attivitajiet ta’ rikreazzjoni għat-titjib tas-saħħa, ħajja soċjali u żvilupp personali u parteċipazzjoni f’opportunitajiet kulturali għat-trawwim tal-ħiliet, l-għarfien tal-kulturi u d-diversità kulturali bil-għan li tinbena soċjetà inklużiva u anqas diskriminatorja;

41.

jitlob lill-gvernijiet nazzjonali kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jikkontribwixxu sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom l-ambjent it-tajjeb għat-tagħlim, l-iżvilupp u r-rikreazzjoni b’firxa wiesgħa ta’ possibbiltajiet, billi dan huwa prerekwiżit għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom;

42.

jaqbel li wieħed mill-ostakli ewlenin għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal huwa n-nuqqas ta’ għarfien pubbliku u politiku dwar il-kwistjoni u l-impatt tal-faqar fuq it-tfal u l-familji tagħhom u s-soċjetà ġenerali; jinsab imħasseb li dan l-ostaklu qed isir iktar gravi minħabba l-attenzjoni limitata u kultant negattiva li tingħata mill-mezzi tax-xandir fir-rigward tal-faqar, minħabba livell baxx ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal jew l-appoġġ għalihom u minħabba nuqqas ta’ viżjoni għat-tul u l-preokkupazzjoni b’rebħiet elettorali fil-perjodu l-qasir (it-tfal ma jistgħux jivvutaw); jinnota li f’ħafna pajjiżi mhijiex parti mill-kultura politika li ssir enfasi fuq it-tfal jew li t-tfal jitqiesu bħala persuni sħaħ;

43.

jenfasizza l-ħidma li qed issir mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u fi ħdanhom biex jiġi żgurat li t-tfal jiġu inklużi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet li jolqtu l-ħajja tagħhom; madankollu, għad fadal ħafna xi jsir sabiex jiġi garantit id-dritt tat-tfal li jsemmgħu l-vuċi tagħhom dwar il-kwistjonijiet kollha li jikkonċernawhom, b’konformità mal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

Rakkomandazzjonijiet

44.

jirrakkomanda l-introduzjoni ta’ mira speċifika fir-rigward tal-faqar fost it-tfal bħala prijorità tal-inizjattiva ewlenija tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, u l-adozzjoni ta’ strateġija komprensiva kontra l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali li tinkludi livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u li tidħol fi ħdan l-Istrateġija usa’ Ewropa 2020 kif ukoll it-tfassil ta’ qafas għall-monitoraġġ abbażi ta’ indikaturi sodi, marbuta wkoll mal-mekkaniżmu eżistenti ta’ rappurtar skont l-UNCRC;

45.

itenni l-bżonn għal rappurtaġġ speċifiku mill-Istati Membri dwar il-faqar fost it-tfal u jipproponi – soġġett għat-tfassil ta’ għodda ta’ dijanjożi għall-evalwazzjoni tal-gravità tar-riskju u tat-tbatija li huwa rrakkomandat li jintużaw mill-awtoritajiet lokali u reġjonali – li dan jiġi inkluż fir-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ tal-Istati Membri taħt l-Istrateġija Ewropa 2020; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istħarriġ ta’ Malajr tal-KtR tad-19 ta’ April 2011 sab li ħafna minn dawk li wieġbu jaraw il-potenzjal tal-introduzzjoni ta’ prijoritajiet obbligatorji fil-programmi reġjonali futuri bħala żvilupp pożittiv li jista’ jgħolli l-profil tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

46.

jirrakkomanda li l-allokazzjoni tal-Fond Strutturali ssir b’mod li tiġi kkunsidrata l-importanza ta’ proġetti u servizzi favur il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u jippromovu l-benesseri tat-tfal u tal-familji tagħhom – partikolarment fejn il-minorenni jew iż-żgħażagħ ibatu minn mard fiżiku jew mentali, jiġu sfruttati, jabbużaw mis-sustanzi, huma immigranti, imdaħħlin fil-kriminalità jew huma soġġetti għal fatturi oħra li jżidu l-vulnerabbiltà tagħhom – itejbu l-parteċipazzjoni ta’ dawn it-tfal u l-familji tagħhom u jindirizzaw perċezzjonijiet negattivi u l-istigmatizzazzjoni tal-faqar;

47.

jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala atturi prinċipali fl-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali u Ewropej fil-livell lokali, jiġu involuti b’mod attiv fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet u tal-politiki dwar l-appoġġ għall-familji, il-provvista ta’ servizzi u l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal u taż-żgħażagħ;

48.

jirrakkomanda li sabiex isir skambju tal-aħjar prattiki, il-Kummissjoni tiżviluppa u ssostni djalogu kontinwu mal-KtR u talloka l-fondi biex il-KtR, f’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet bħal Eurocities u Eurochild, ikun jista’ jippubblika rapporti li jiddokumentaw proġetti li kellhom suċċess fl-indirizzar tal-faqar fost it-tfal mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri.

Brussell, 15 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Can Higher Employment Levels Bring Lower Poverty in the EU? Simulazzjonijiet ibbażati fuq ir-rigressjoni tal-mira tal-Ewropa 2020, Dokument ta’ diskussjoni 6068, Istitut għall-Istudju tax-Xogħol (Bonn).

(2)  Poverty in the United Kingdom, Peter Townsend, 1979.

(3)  L-Indiċi ta’ Żvilupp tal-Bniedem jiġi kkalkulat abbażi tad-dħul nazzjonali gross per capita tal-pajjiż jew tar-reġjun kif ukoll is-snin ta’ tagħlim jew ta’ skola medja, kif ukoll l-istennija tal-għomor mat-twelid

(4)  How the economic and financial crisis is affecting children & young people in Europe, EUROCHILD, 2011.

(5)  Ara pereżempju: A Living Wage for Newcastle, http://www.newcastle.gov.uk/news-story/a-living-wage-newcastle.

(6)  Poverty: the facts, 5th Edition, Flaherty, J, Veit-Wilson, J u Dornan, P, Child Poverty Action Group, 2004.

(7)  Estimating the cost of child poverty, Hirsch, D., Joseph Rowntree Foundation, 2008.

(8)  Ara pereżempju, Early Intervention: Smart Investment, Massive Savings, Uffiċċju tal-President (UK), 2011.

(9)  How the economic and financial crisis is affecting children & young people in Europe, EUROCHILD, 2011

(10)  Child poverty – family poverty: Are they one and the same?, EUROCHILD Policy Position, 2011

(11)  Ara pereżempju, The low-pay, no-pay cycle: understanding recurrent poverty, Shildrick, T et al, Joseph Rowntree Foundation, 2010.

(12)  Ara, pereżempju Child benefits in the European Union, J. Bradshaw, Poverty (139), CPAG, 2011

(13)  What do we mean by ‘adequate’ benefits? J Veit-Wilson, Kapitolu 14 f’J Strelitz u R Lister [eds], Why Money Matters. Family income, poverty and children’s lives. Save the Children, Londra, p. 125-132.

(14)  Ara pereżempju, “Precarious work: risk, choice and poverty traps”, R. MacDonald, Handbook of Youth and Young Adulthood: New perspectives and agendas, A. Furlong, 2009.

(15)  Understanding youth exclusion: critical moments, social networks and social capital, Shildrick, T.A. & MacDonald, R., Youth & Policy, 2008

(16)  Idem.

(17)  Ara pereżempju, “Health Consequences of Poverty for Children”, Spencer, N., End Child Poverty, 2008.


18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/40


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-“Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali — prospettivi għall-ġejjieni”

2012/C 113/08

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ b’sodisfazzjon il-benefiċċji reali tad-Direttiva iżda huwa diżappuntat li la d-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali (DIA) u lanqas ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha ma jagħmel referenza speċifika għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-rwol kruċjali li jaqdu fil-ġlieda kontra l-istorbju eċċessiv;

jinnota li t-tniġġis mill-istorbju huwa primarjament problema lokali, iżda li essenzjalment teħtieġ soluzzjoni Ewropea, u għaldaqstant jappella biex l-UE tiżviluppa politika Ewropea ambizzjuża dwar l-emissjonijiet tal-istorbju, fil-forma ta’ miżuri Ewropej li jindirizzaw il-problema fis-sors;

jipproponi li, wara valutazzjoni fil-fond tal-impatt fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-Kummissjoni tistabbilixxi valuri ta’ intervent jew ta’ mira bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tas-saħħa tad-WHO;

jenfasizza l-bżonn ta’ rabtiet u komplementarjetà u li jimtlew il-lakuni leġislattivi bejn l-istrumenti leġislattivi differenti li jirregolaw il-materjali assoċjati mal-istorbju mis-sors, b’mod speċifku fir-rigward ta’ vetturi, b’mod speċjali karozzi u trakkijiet, toroq, linji ferrovjarji u ajruporti billi jitfassal qafas legali globali;

jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jingħataw l-appoġġ finanzjarju u l-gwida teknika li għandhom bżonn u li jadottaw miżuri komplementari fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE sabiex jimplimentaw il-politika tal-UE dwar it-tniġġis mill-istorbju;

jitlob li l-kwistjonijiet relatati mal-istorbju u mat-tniġġis mill-istorbju jiġu inkorporati fil-politiki u l-inizjattivi rilevanti kollha, b’mod partikolari fis-Seba’ Programm ta’ Azzjoni għall-Ambjent tal-ġejjieni u t-tieni Pjan ta’ Azzjoni għall-Ambjent u s-Saħħa, kif ukoll fl-inizjattivi tat-trasport sostenibbli li jagħmlu parti mill-programmi ta’ żvilupp reġjonali tal-UE u mill-politiki tal-ġestjoni tat-territorju;

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni testendi l-kunċett ta’ governanza f’diversi livelli għal oqsma oħra bħall-istorbju. Il-Patt tas-Sindki jista’ jkun il-punt ta’ riferiment f’dan ir-rigward.

Relatur

José MACÁRIO CORREIA (PT/PPE), Sindku ta’ Faro

Dokument ta’ referenza

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/49/KE

COM(2011) 321 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.    Kummenti ġenerali

1.

jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra t-tniġġis mill-istorbju u l-iżvilupp tal-politika Ewropea dwar l-istorbju adottata fil-25 ta’ Ġunju 2002 fil-forma tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, magħrufa bħala d-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali (DIA);

2.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-benefiċċji reali tad-Direttiva f’termini ta’ tfassil ta’ mapep tal-istorbju, it-twaqqif ta’ indikaturi komuni, il-valutazzjoni ta’ kemm il-popolazzjoni tal-UE hija esposta għall-istorbju u t-twaqqif ta’ korpi kompetenti sabiex ifasslu pjani ta’ azzjoni;

3.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva bħala punt tat-tluq tajjeb għar-reviżjoni li hemm bżonn tad-DIA;

4.

jiddispjaċih li ċerti Stati Membri ma bagħtux il-mapep tal-istorbju tagħhom fil-limitu ta’ żmien stabbilit u li kellha titnieda proċedura ta’ ksur fil-każ ta’ Malta;

5.

jinsab diżappuntat li la d-DIA u lanqas ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha ma jagħmel referenza speċifika għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u jenfasizza r-rwol kruċjali li dawn għandhom fil-ġlieda kontra l-istorbju eċċessiv; għaldaqstant jixtieq li jkun involut bis-sħiħ fl-iżvilupp ta’ politiki futuri;

6.

jinnota li t-tniġġis mill-istorbju huwa primarjament problema lokali, iżda li essenzjalment teħtieġ soluzzjoni Ewropea, u għaldaqstant jappella biex l-UE tiżviluppa politika Ewropea ambizzjuża dwar l-emissjonijiet tal-istorbju, fil-forma ta’ miżuri Ewropej li jindirizzaw il-problema fis-sors;

7.

jenfasizza mill-ġdid il-bżonn li jiġu stabbiliti objettivi sabiex jiġi miġġieled l-istorbju li jisimgħu n-nies f’żoni mibnija, fil-ġonna pubbliċi jew spazji oħra kwieti fl-agglomerazzjonijiet, fi spazji kwieti fil-kampanja u ħdejn l-iskejjel, l-isptarijiet u bini u żoni oħra li huma sensittivi għall-istorbju;

8.

josserva li l-Kummissjoni, fil-lista tagħha tal-impatt tal-istorbju fuq is-saħħa, tonqos milli ssemmi wieħed mill-iżjed effetti komuni tal-espożizzjoni għall-istorbju, li huwa t-tinnitus (żanżin tal-widnejn) u l-hyperacusis (sensittività estrema għall-istorbju) ta’ spiss ikkawżati minn tnaqqis fil-kapaċità tas-smigħ minħabba l-espożizzjoni għal livelli għoljin ta’ storbju. Mill-inqas 10 % tal-popolazzjoni jbatu mit-tinnitus u/jew il-hypercusis, fenomenu li qed jiżdied fost iż-żgħażagħ minħabba livelli għoljin ta’ storbju. Għalhekk, huwa importanti ħafna li l-pubbliku inġenerali jingħata informazzjoni dwar problemi relatati mas-saħħa minħabba l-espożizzjoni għall-istorbju;

9.

josserva li, fil-lista tal-inizjattivi preċedenti u futuri tal-UE f’dan il-qasam, ma tissemma l-ebda azzjoni biex jitnaqqsu l-livelli għoljin ta’ storbju f’ċerti postijiet pubbliċi bħad-diskoteki;

10.

jenfasizza l-bżonn li tiġi kkunsidrata d-data reċenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar il-meded/valuri ta’ storbju (noise bands) applikati fil-mapep tal-istorbju. Skont id-data, il-meded ta’ rappurtar ta’ valuri ta’ indikaturi ta’ LNIGHT għandhom jitnaqqsu għal 40 dB u l-ispejjeż soċjali tal-istorbju mit-traffiku tat-triq u l-linji ferrovjarji u tal-ajru għandhom jiġu inklużi wkoll; jinsisti li d-data reċenti tad-WHO għandha tiġi inkluża wkoll fil-kurvi tad-dożi u l-ispejjeż (exposure-cost curves), li bis-saħħa tagħhom jitkejlu l-ispejjeż soċjali tal-istorbju mit-traffiku;

11.

jitlob li l-kwistjonijiet relatati mal-istorbju u mat-tniġġis mill-istorbju jiġu inkorporati fil-politiki u l-inizjattivi rilevanti kollha, b’mod partikolari fis-Seba’ Programm ta’ Azzjoni għall-Ambjent tal-ġejjieni u t-tieni Pjan ta’ Azzjoni għall-Ambjent u s-Saħħa, kif ukoll fl-inizjattivi tat-trasport sostenibbli li jagħmlu parti mill-programmi ta’ żvilupp reġjonali tal-UE u mill-politiki tal-ġestjoni tat-territorju;

B.    Nindirizzaw l-istorbju mis-sorsi tiegħu

12.

jenfasizza l-bżonn ta’ rabtiet u komplementarjetà u li jimtlew il-lakuni leġislattivi bejn l-istrumenti leġislattivi differenti li jirregolaw il-materjali assoċjati mal-istorbju mis-sors, b’mod speċifku fir-rigward ta’ vetturi, b’mod speċjali karozzi u trakkijiet, toroq, linji ferrovjarji u ajruporti billi jitfassal qafas legali globali;

13.

jagħraf l-importanza li jiġu rimedjati għadd ta’ dgħufijiet tad-Direttiva attwali u jqis li huwa neċessarju u adatt li jiġu żviluppati metodoloġiji komparattivi għall-kejl tal-istorbju, l-użu ta’ netwerks għall-kejl u l-osservazzjoni tal-istorbju, li jinkludu kriterji standardizzati, il-valuri ta’ intervent (trigger values) jew ta’ mira (target values), ir-rappurtar, il-metodi ta’ valutazzjoni u l-infurzar;

14.

jenfasizza l-bżonn li l-istorbju jiġi indirizzat mis-sors u jenfasizza wkoll kemm hi kosteffettiva l-prevenzjoni tal-istorbju permezz ta’ żviluppi tekniċi u r-rispett tal-limiti tal-emissjonijiet li jikkontrollaw it-tniġġis mill-istorbju bil-kontra tat-tnaqqis għal livell minimu tal-effetti tiegħu;

15.

jenfasizza l-vantaġġi tat-tnaqqis tal-istorbju tat-traffiku mis-sors bħala mezz ta’ kif jitnaqqas l-infiq tal-kunsilli u l-awtoritajiet responsabbli għat-toroq, b’mod partikolari billi jitwaqqfu ħitan u insulazzjoni kontra l-istorbju;

16.

jenfasizza l-importanza li jiġi integrat it-tnaqqis tat-tniġġis mill-istorbju fil-politiki tal-ġestjoni tat-territorju u tal-ippjanar tal-ambjent urban, b’mod partikolari biex l-istorbju mit-traffiku tat-triq u mill-inħawi fil-viċinanzi jiġi limitat mis-sors;

17.

jinsisti fuq l-importanza li t-tnaqqis tal-istorbju jiġi inkluż fl-għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi identifikati fil-White Paper tal-Kummissjoni intitolata “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” u jissuġġerixxi li, bil-għan li jitnaqqas l-istorbju, jiġu implimentati u vvalutat ċerti miżuri fil-qasam tas-sostenibbiltà, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-kwalità tal-arja. Il-Kumitat jipproponi li għall-implimentazzjoni tal-White Paper jitfassal pjan ta’ azzjoni, li fih jiġu stabbiliti skeda, miżuri u dati tal-għeluq għall-valutazzjoni;

18.

huwa tal-fehma li politika Ewropea ambizzjuża għall-istorbju għandha tinkorpora mill-inqas dawn il-miżuri li ġejjin:

għall-vetturi l-ġodda: standards ta’ emissjonijiet għall-vetturi u l-magni kollha (użati fuq l-art u taħt l-art, fuq il-baħar u taħtu u fl-arja eċċ.);

għall-vetturi eżistenti: miżuri biex il-vetturi u l-magni l-qodma jiġu sostitwiti b’mudelli b’livell baxx ta’ storbju, u biex il-vetturi ferrovjarji jiġu attrezzati b’tagħmir li jnaqqas l-istorbju;

it-tiġdid ta’ metodi ta’ ttestjar. Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu żviluppati metodi ta’ ttestjar ġodda tal-vetturi u l-magni li jittestjaw l-emissjonijiet taħt kundizzjonijiet reali (real-life conditions);

l-iżvilupp u t-titjib tat-tyres b’livell baxx ta’ storbju;

19.

jitlob li s-settur tat-trasport jadotta objettivi għat-tnaqqis tat-tniġġis mill-istorbju, possibbilment permezz ta’ miżuri msejsa fis-suq, bħal ħlas għall-aċċess jew l-użu tan-netwerk (tat-triq, ferrovjarju, marittimu jew tal-ajru), sabiex dawk li jniġġsu jġarrbu l-ispejjeż tal-istorbju li jipproduċu;

20.

jirrakkomanda strateġija kollettiva u miri għat-tnaqqis tal-istorbju iktar ambizzjużi fir-reviżjoni tad-Direttiva 70/157/KEE dwar l-istorbju minn vetturi bil-mutur, fid-Direttiva 2001/43/KE dwar l-istorbju mit-tyres u proposti relatati mal-istorbju mill-vetturi tal-kategorija L irregolati mid-Direttiva 97/24/KE, u jappella biex jiġu adottati miżuri li, fil-prinċipju, jiggarantixxu li dawk li joqogħdu qrib l-ajruporti jgħaddu ljieli kwieti għal mill-inqas 7 sigħat;

21.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-iżviluppi reċenti dwar is-sistema ġdida tat-tikkettar tat-tyres li ser tagħti l-opportunità lill-konsumaturi, lil dawk li jmexxu l-flotta u lill-awtoritajiet pubbliċi li jagħżlu l-aqwa fosthom fejn jidħol storbju; jissuġġerixxi f’dan il-kuntest li t-tikketti jippermettu wkoll li l-konsumaturi jibbilanċjaw il-prestazzjoni ta’ tyre partikolari mal-karatteristiċi tal-konsum tal-fjuwil tiegħu; barra minn hekk, jissuġġerixxi li dawn it-tikketti jkunu marbuta wkoll ma’ standards Ewropej ċari għall-vetturi li, bl-użu ta’ teknoloġiji adatti relatati mas-superfiċji tat-toroq, ikunu kapaċi jnaqqsu bin-nofs il-livelli tal-istorbju mit-toroq (10 dB); ifakkar madanakollu fis-sitwazzjoni speċjali li teżisti fl-Istati Membri tat-Tramuntana fir-rigward tal-possibbiltà li jintużaw ċerti tyres bl-ispikes jew mingħajrhom pereżempju fix-xitwa jew f’kundizzjonijiet estremi oħra bil-għan tas-sigurtà fit-triq f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza;

22.

jinnota li l-iżvilupp ta’ materjali silenzjużi tas-superfiċji għandhom iqisu l-kundizzjonijiet tal-klima u t-temp lokali kif ukoll it-titjib fid-durabbiltà tas-superfiċji kontra t-trattamenti għal kontra ż-żliq (melħ, tyres bl-istuds);

23.

jenfasizza l-importanza tad-Direttiva 2000/14/KE dwar l-emissjonijiet tal-istorbju ambjentali minn tagħmir li jintuża barra;

24.

jagħraf li l-bżonn li l-vetturi ferrovjarji jiġu sostitwiti jew adattati kemm jista’ jkun malajr, u mhux iżjed tard mill-2020, u li jiġu provduti inċentivi għall-użu ta’ tagħmir iktar silenzjuż. Strumenti bbażati fuq is-suq bħal tariffi tal-aċċess għal-linji ferrovjarji għandhom jintużaw biex jiżguraw li min iniġġes iħallas għall-ispejjeż tal-istorbju li jikkawża. Għandhom jinħolqu miżuri addizzjonali, bħalma hija projbizzjoni fuq l-użu ta’ vetturi ferrovjarji li mhumiex mogħnija bit-teknoloġiji l-inqas storbjużi, fuq perjodu medju ta’ żmien, jekk jagħti l-każ li l-istrumenti bbażati fuq is-suq jirriżultaw insuffiċjenti. Ifakkar b’mod partikolari fir-reviżjoni tal-politika tal-UE dwar l-istorbju ferrovjarju, kif ukoll fil-proġetti pilota li diġà bdew fil-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-istess suġġett;

25.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tat-titjib taż-żoni urbani billi jitħeġġu modi tat-trasport iktar kwieti, inklużi karozzi ibridi u elettriċi u trasport pubbliku iktar kwiet u sostenibbli;

26.

jirrakkomanda li jiġu adottati miżuri tal-ippjanar urban bħal trams u tipi oħra ta’ trasport pubbliku, fosthom is-sistemi ta’ taħt l-art, il-promozzjoni taċ-ċikliżmu u l-mixi, il-limitazzjoni tat-traffiku tal-karozzi u tal-veloċità tal-vetturi, akkwist pubbliku iktar ekoloġiku, u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw l-inċentivi t-tajba u l-informazzjoni adegwata dwar il-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE;

C.    L-isfidi li ser jiġu indirizzati mid-DIA futura

27.

jitlob reviżjoni tal-Anness V tad-Direttiva, li jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-Pjani ta’ Azzjoni għall-Istorbju f’forma ta’ inċiżi, kif ukoll tal-Anness VI, li jiddefinixxi liema informazzjoni trid tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea għal dan l-għan, sabiex tiġi żgurata konformità iktar mifruxa u effettiva mad-Direttiva u biex ikunu jistgħu jsiru paraguni tar-riżultati bejn l-Istati Membri;

28.

jissuġġerixxi l-adozzjoni fil-livell tal-UE tal-istandardizzazzjoni tal-għodod u l-metodoloġiji li jiffaċilitaw it-tfassil u/jew l-implimentazzjoni reali tal-Pjani ta’ Azzjoni għall-Istorbju u jinvolvu firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati minn istituti ta’ riċerka u universitajiet għal awtoritajiet lokali u reġjonali, taħt il-koordinazzjoni ta’ aġenzija tal-UE waħda;

29.

f’dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li f’ċerti każijiet l-entità inkarigata mill-istabbiliment tal-pjan ta’ azzjoni għall-istorbju mhijiex responsabbli wkoll għall-implimentazzjoni tiegħu u jitlob li tingħata aktar attenzjoni lil din il-kwistjoni;

30.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni testendi l-kunċett ta’ governanza f’diversi livelli għal oqsma oħra bħall-istorbju. Il-Patt tas-Sindki jista’ jkun il-punt ta’ riferiment f’dan ir-rigward;

31.

jitlob li l-proġett CNOSSOS-EU (Common Noise Assessment Methods in Europe – Metodi Komuni tal-Valutazzjoni tal-Istorbju fl-Ewropa) jiġi finalizzat malajr sabiex jiġi introdott metodu ta’ valutazzjoni armonizzat għall-mapep tal-istorbju tat-toroq, tal-linji ferrovjarji u l-istorbju industrijali u l-istorbju mill-inġenji tal-ajru;

32.

jipproponi li, wara valutazzjoni fil-fond tal-impatt fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-Kummissjoni tistabbilixxi valuri ta’ intervent jew ta’ mira bbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tas-saħħa tad-WHO li jobbligaw lill-Istati Membri li jieħdu azzjoni hekk kif jintlaħaq ċertu livell ta’ storbju;

33.

għandu xi riservi dwar l-istandards Ewropej fil-qasam tal-immissjonijiet għat-tniġġis mill-istorbju jekk dawn jiġu ttrattati b’mod separat minn politika komprensiva tal-emissjonijiet għall-istorbju. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom japplikaw dawn l-istandards Ewropej għad li l-miżuri lokali u reġjonali ta’ sikwit ma jkunux adatti. Għalhekk, l-implimentazzjoni potenzjali ta’ tali standards marbuta mal-immissjonijiet għandha tiġi konċeputa fi ħdan il-qafas ta’ politika Ewropea dwar l-istorbju li torbot biċ-ċar il-politika għall-emissjonijiet ma’ dik għall-immissjonijiet. Għalhekk, il-Kumitat jipproponi dawn il-miżuri:

il-ħolqien ta’ Strateġija Tematika għall-istorbju li tiddefinixxi politika Ewropea għall-istorbju (bi skeda, miżuri u dati għall-valutazzjoni);

il-livell ta’ ambizzjoni tad-Direttiva dwar l-Istorbju Ambjentali jaqbel mal-livell ta’ ambizzjoni tal-miżuri tal-UE għat-tnaqqis tal-istorbju mis-sors;

l-iżvilupp ta’ politika tal-UE għall-emissjonijiet li għandha ssir qabel ir-reviżjoni tad-direttiva. Ser jilħqu jgħaddu s-snin qabel ma nibdew naraw l-effett tal-miżuri tal-UE li jittieħdu għat-tnaqqis tal-istorbju mis-sors;

ir-reviżjoni tad-Direttiva DIA;

34.

jenfasizza l-importanza tar-restituzzjoni tal-valuri ta’ gwida li diġà jinsabu fil-Green Paper dwar il-politika tal-istorbju tal-ġejjieni li tħallew barra fid-Direttiva attwali u li ġew ikkonfermati minn studji ġodda tad-WHO bħala objettivi ta’ protezzjoni; jenfasizza li l-istorbju minn sorsi differenti għandu impatt kumulattiv u li l-ippjanar ta’ proġetti ġodda għandu jissejjes fuq il-valuri ta’ mira fit-tul tad-WHO;

35.

jirrakkomanda iktar sinerġiji bejn il-politiki tal-istorbju u tal-kwalità tal-arja (kemm id-Direttiva tal-UE dwar il-kwalità tal-arja kif ukoll id-Direttiva DIA jinkludu obbligi fir-rigward tal-pjani ta’ azzjoni) u b’hekk tingħata spinta għal azzjoni politika konġunta iktar effettiva;

36.

jissuġġerixxi li, wara vaultazzjoni fil-fond tal-impatt fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiġu stabbiliti miri għat-tnaqqis tal-espożizzjoni għall-istorbju hekk kif sar għat-tniġġis atmosferiku u tal-klima, inkluża mira għat-tnaqqis tan-numru ta’ nies esposti għal livelli ta’ 55 dB matul il-lejl b’mill-inqas 15 % sal-2013;

37.

jemmen li jkun tajjeb li jitqies tnaqqis ta’ LDEN ta’ 40 dB u LNIGHT ta’ 35 dB huma u jitfasslu l-mapep tal-istorbju tal-ġejjieni;

38.

jitlob li wħud mill-kunċetti fid-Direttiva jiġu ċċarati, b’mod partikolari “agglomerazzjoni” u “żoni trankwilli”;

D.    Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali

39.

jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jingħataw l-appoġġ finanzjarju u l-gwida teknika li għandhom bżonn u li jadottaw miżuri komplementari fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE sabiex jimplimentaw il-politika tal-UE dwar it-tniġġis mill-istorbju;

40.

jenfasizza mill-ġdid il-valur tal-ħolqien ta’ netwerk għall-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex jaqsmu l-informazzjoni u l-esperjenza u jadottaw l-aqwa prattiki, li jipprovdu informazzjoni aġġornata disponibbli bil-lingwi kollha;

41.

jirrakkomanda li tiġi provduta iktar informazzjoni u informazzjoni aħjar lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll strumenti ta’ appoġġ u gwida dwar il-viżwalizzazzjoni, f’mapep konġunti, ta’ storbju kumulattiv minn sorsi differenti. B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandu jitħalla f’idejn kull awtorità lokali biex tiddeċiedi hi kif l-aħjar tniedi l-kampanji ta’ informazzjoni;

42.

jipproponi t-tnedija ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u informazzjoni dwar l-istorbju fil-livell reġjonali u lokali u li jsiru konsultazzjonijiet u seduti pubbliċi li jipprovdu fehim iżjed fil-fond tas-sitwazzjoni u li tiġi ċċarata l-kwistjoni għan-nies;

43.

jissuġġerixxi iktar sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u NGOs u assoċjazzjonijiet lokali taċ-ċittadini, b’mod partikolari billi jingħataw premjijiet li jistgħu jikkontribwixxu wkoll sabiex jenfasizzaw miżuri kreattivi jew kosteffettivi implimentati fl-UE;

E.    Rakkomandazzjonijiet finali

44.

jenfasizza li l-limiti fuq il-livell ta’ storbju huma neċessarji mhux biss biex ikun hemm livell għoli ta’ protezzjoni iżda wkoll biex fis-suq uniku jonqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni marbutin mar-regoli dwar il-protezzjoni mill-istorbju. Iżda, huwa essenzjali li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà fir-rigward tad-definizzjoni tal-valuri ta’ intervent u/jew valuri ta’ mira u l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-introduzzjoni ta’ miżuri addizzjonali f’każ li jinqabżu l-limiti fuq il-livell tal-istorbju, filwaqt li jitqies l-impatt ta’ dawk il-miżuri fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali; għandha titqies ukoll id-diversità kulturali fl-Ewropa;

45.

jenfasizza l-importanza tal-proporzjonalità f’termini tal-ħolqien ta’ spejjeż addizzjonali u piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, li jridu jitqiesu fir-rigward tal-benefiċċji ambjentali.

Brussell, 16 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/45


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja”

2012/C 113/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

bi pjaċir jinnota r-rwol iktar attiv li l-Kummissjoni Ewropea tixtieq tieħu fl-appoġġ għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u d-diversi awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali bl-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ modernizzar tal-edukazzjoni għolja;

jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-investiment globali fl-edukazzjoni għolja fl-Ewropa huwa baxx wisq, u jagħraf li mhux biss l-Istati Membri, iżda ħafna drabi anke l-gvernijiet reġjonali jridu jieħdu r-responsabbiltà biex iżidu l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni għolja;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, hija u tistabbilixxi l-programmi konkreti u l-linji gwida, tagħti iktar attenzjoni lil waħda mill-prijoritajiet li hi stess tistabbilixxi għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja: iż-żieda fil-parteċipazzjoni u t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja għal dan il-għan;

fil-fehma tiegħu, ir-rilevanza tal-edukazzjoni għolja toħroġ fid-dieher ukoll minn kemm l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali jew reġjonali tipiċi u b’hekk jagħmlu kontribut ġenwin għall-iżvilupp lokali jew reġjonali;

jinnota li għad hemm ħafna xi jsir biex l-opportunitajiet għall-mobbiltà tat-tagħlim u l-kooperazzjoni transkonfinali jitwessgħu u fl-istess ħin ikunu iktar profondi, u biex b’hekk il-valur miżjud ta’ dawn l-opportunitajiet jikber b’mod sinifikanti;

itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi ewlenin fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-istess bħall-politika taż-żgħażagħ u l-politika tal-impjieg, u għalhekk jisħaq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ modernizzar, bir-rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Relatur

Mia DE VITS (BE/PSE), Membru tal-Parlament Fjamming

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa

COM(2011) 567 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.   Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ l-Komunikazzjoni “Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa”, fejn il-Kummissjoni tfassal l-għanijiet ta’ politika ewlenin għar-riforma tal-edukazzjoni għolja. Il-Kumitat jagħraf li b’dan il-mod, il-Kummissjoni Ewropea trid tagħti spinta lir-riformi li kienu nbdew bil-Proċess ta’ Bologna u bil-ħolqien taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, li għad għandhom triq twila quddiemhom; huwa japprezza wkoll li l-Kummissjoni qed tagħti post prominenti lil dawn ir-riformi fil-qafas usa’ tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha;

2.

jaqbel mal-approċċ fil-Komunikazzjoni, fejn il-Kummissjoni Ewropea minn naħa telenka liema huma l-għanijiet ta’ politika ewlenin li għandhom jitwettqu sal-aħħar tad-deċennju kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u min-naħa l-oħra tgħid kif tista’ tappoġġja lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja fl-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda ta’ modernizzar;

3.

jaqbel li r-responsabbiltà prinċipali għat-twettiq tar-riforma fl-edukazzjoni għolja, qasam ta’ politika fejn l-UE għandha kompetenzi ta’ koordinazzjoni u ta’ appoġġ, tingħata lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja stess, għad li l-isfidi u r-reazzjonijiet politiċi jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Barra minn hekk, il-Kumitat itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi ewlenin fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-istess bħall-politika taż-żgħażagħ u l-politika tal-impjieg. Il-Kumitat jisħaq li b’hekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fl-implimentazzjoni ta’ din l-aġenda ta’ modernizzar, bir-rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà;

4.

jinnota li l-istrateġija proposta għall-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja tidher li ma tqajjem l-ebda kwistjoni rigward il-konformità tagħha mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

5.

jenfasizza li l-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni għolja, qabel kollox għandha tipprovdi bażi wiesgħa u ġenerali liċ-ċittadini li fuqha jkunu jistgħu jiżviluppaw it-talenti tagħhom sal-ogħla livell u li b’hekk ikunu jistgħu jikbru kemm jista’ jkun f’nies b’personalitajiet sodi, aperti u multidimensjonali u jkunu jistgħu jassumu r-responsabbiltà fis-soċjetà b’mod sħiħ. M’hemmx dubju li l-edukazzjoni għandha wkoll valur ekonomiku, iżda dan mhuwiex l-uniku valur tagħha. Għaldaqstant, approċċ ekonomiku għall-edukazzjoni – inevitabbilment – qatt ma jista’ jkun wieħed sodisfaċenti. Madankollu, f’ċerti kuntesti approċċ ekonomiku jista’ jkun utli u saħansitra neċessarju;

6.

minkejja dan, jaqbel bis-sħiħ li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jingħataw rwol ċentrali biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa u jinnota li l-istituzzjonijiet Ewropej ta’ edukazzjoni għolja għadhom jistgħu jsibu mezzi biex iwettqu l-funzjoni soċjali tagħhom;

2.   Il-miri ta’ politika ewlenin għall-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja

2.1.   Inżidu l-livelli ta’ kisba biex nipprovdu l-gradwati u r-riċerkaturi li teħtieġ l-Ewropa

7.

jaqbel mal-analiżi li l-livell medju ta’ edukazzjoni fl-Ewropa għandu jilħaq il-mira li, sal-2020, 40 % taż-żgħażagħ ikunu temmew b’suċċess studji fil-livell tal-edukazzjoni għolja jew studji ekwivalenti, biex b’hekk inkunu nistgħu nisfruttaw it-tkabbir previst u meħtieġ fl-impjiegi intensivi fl-għarfien, biex iż-żgħażagħ ikollhom prospetti aħjar ta’ impjieg ta’ kwalità u biex b’hekk anke l-qgħad jonqos, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ;

8.

jinsab konvint li l-użu mifrux ta’ soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-ICT min-naħa tal-provvedituri ta’ edukazzjoni għolja jista’ jikkontribwixxi sabiex ikun hemm aċċess aktar faċli għall-edukazzjoni għolja u sabiex jiżdiedu r-rati ta’ parteċipazzjoni, pereżempju għall-istudenti li jgħixu f’żoni b’popolazzjoni skarsa, fil-gżejjer u f’żoni muntanjużi, kif ukoll f’żoni ultraperiferiċi;

9.

jaqbel b’mod partikolari mal-proposta li, għal dan il-għan, l-edukazzjoni għandha ssir attraenti għal firxa usa’ tal-popolazzjoni u jiddispjaċih li diversi gruppi tal-popolazzjoni għadhom mhumiex rappreżentati biżżejjed fl-edukazzjoni għolja. Il-Kumitat jinnota li dan in-nuqqas ta’ rappreżentanza, li b’mod inaċċettabbli u persistenti għadu partikolarment evidenti fost il-lekċerers l-università, mhux biss joħloq problemi soċjali, iżda huwa wkoll, mil-lat ekonomiku, ħela ta’ talent;

10.

għalhekk jipproponi li mhux biss jiġi monitorjat kemm l-Istati Membri jagħmlu sforz biex iżidu l-parteċipazzjoni u s-suċċess – li huwa daqstant ieħor kruċjali – fl-edukazzjoni għolja, iżda anke kemm l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jagħmlu sforz biex jiġbdu lill-istudenti mill-gruppi sottorappreżentati u “mhux tradizzjonali”, b’tali mod li jbiddlu wkoll it-tendenzi klassiċi fejn l-għażliet stereotipiċi u s-segregazzjoni fis-suq tax-xogħol tiġi miġġielda. Fid-dawl tal-evoluzzjoni demografika, il-Kumitat għadu konvint li ż-żieda sostanzjali meħtieġa fil-livell ta’ parteċipazzjoni ma tistax titwettaq b’mod sostenibbli sakemm l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja ma jagħmlux sforz biex din id-dimensjoni soċjali titqiegħed fil-qalba tal-politika tal-edukazzjoni għolja. Il-Kumitat huwa tal-fehma wkoll li huwa inevitabbli li anke f’dan il-livell jitfasslu għanijiet speċifiċi, li naturalment ikunu adatti għall-kuntest partikolari ta’ kull Stat Membri u għad-differenzi bejn ir-reġjuni f’kull Stat Membru; madankollu, jenfasizza li żieda fil-parteċipazzjoni tirrikjedi wkoll żieda fil-finanzjament għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja tal-Ewropa, sabiex jiġu garantiti l-iprem standards ta’ riċerka u taħriġ;

11.

jappoġġja t-talba tal-Kummissjoni Ewropea biex jingħata appoġġ lil studenti potenzjali minn familji bi dħul baxx. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jinsab imħasseb dwar id-deċiżjoni jew il-kunsiderazzjoni ta’ diversi Stati Membri li jgħollu l-miżati tal-istudju, minkejja l-fatt li kull Stat Membru rratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li fl-Artikolu 13 tiegħu jistabbilixxi li l-edukazzjoni għolja għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd, skont il-kapaċitajiet tiegħu, permezz tal-miżuri adatti kollha, u b’mod speċjali bl-implimentazzjoni gradwali tal-edukazzjoni mingħajr ħlas. Il-Kumitat jibża’ li jekk jiżdiedu l-miżati tal-istudju, jogħla wkoll il-livell limitu għall-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja, u dan fl-istess waqt meta ħafna studenti u l-familji tagħhom qed jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika;

12.

jenfasizza li, minbarra l-kapaċità finanzjarja, hemm fatturi oħra (bħall-attenzjoni biex jingħażel il-kors ta’ studju, taħriġ ta’ tħejjija u rimedju adatt fin-nuqqas ta’ dan, pariri dwar l-istudju u l-karriera, riorjentazzjoni f’waqtha lejn karriera iktar adatta jew taħriġ iktar adatt biex jiġi evitat it-tluq bikri mill-edukazzjoni għolja, eċċ.) li jistgħu jaqdu rwol deċiżiv fl-aċċess għall-edukazzjoni għolja u fil-livell ta’ suċċess, u jitlob li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jagħtuhom l-attenzjoni meħtieġa. Il-Kumitat jiddispjaċih li l-informazzjoni dwar il-politika ftit li xejn qed tinġabar b’mod sistematiku u titqassam fl-Istati Membri kif isir għal aspetti oħra tal-edukazzjoni għolja, u huwa tal-fehma li l-Osservatorju għad-Dimensjoni Soċjali fl-Edukazzjoni Għolja, li qed jiġi żviluppat bħalissa fil-qafas tal-proċess ta’ Bologna, għandu jingħata l-appoġġ meħtieġ;

13.

jilqa’ l-miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea, bħall-iżvilupp ta’ oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki b’rabtiet ċari, u fejn ikun meħtieġ addizzjonali, bejn id-diversi livelli ta’ kwalifiki, jew l-enfasi fuq ir-riżultati tat-tagħlim u fuq l-għarfien u l-ħiliet prattiċi (fost oħrajn permezz tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki u kompetenzi li jkunu nkisbu qabel xi mkien ieħor, anke fil-qasam tat-tagħlim informali u mhux formali) minflok fuq kriterji iktar tradizzjonali u formali bħat-tul tal-istudju u l-għadd ta’ sigħat ta’ preżenza fi programm ta’ taħriġ. Il-Kumitat huwa tal-fehma li miżuri simili jistgħu jkunu strumenti effettivi biex jivvalutaw aħjar il-ħiliet u biex in-nies jiġu allokati l-livell ta’ kwalifika t-tajjeb, jew biex jiġu offruti triq adatta u fattibbli lejn kwalifika ogħla;

14.

iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm l-approċċ progressiv tagħha rigward it-toroq tat-tagħlim flessibbli u l-forom flessibbli tat-tagħlim, anke fl-implimentazzjoni attwali tad-Direttiva l-ġdida dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u fl-abbozzar tad-direttiva l-ġdida f’dan il-qasam;

2.2.   It-titjib fil-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għolja

15.

jaqbel li l-edukazzjoni għolja tibbenefika sew minn kuntatt iktar intensiv fil-livell prattiku u fl-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol, meta dan ikun maħsub biex jipprovdi l-għarfien u l-kompetenzi essenzjali trasferibbli li huma meħtieġa għall-professjonijiet bi kwalifiki għoljin. Fl-istess ħin, il-Kumitat huwa tal-fehma li anke l-post tax-xogħol għandu jkun jista’ jieħu iktar responsabbiltà fir-rigward tal-edukazzjoni għolja, fost affarijiet oħra billi joffri apprendistati suffiċjenti u ta’ kwalità għall-istudenti u l-għalliema, filwaqt li jsiru riflessjonijiet, fil-kuntest ta’ djalogu mal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, fuq il-karrieri tal-futur u fuq il-ħtiġijiet ta’ taħriġ relatati, u li ma jiġux sottovalutati l-kompetenzi trasferibbli ġenerali tal-lekċerers; għandha wkoll tiġi stabbilita firxa aktar wiesgħa ta’ sħubijiet ta’ riċerka bejn il-kumpaniji u l-universitajiet;

16.

jinsab konvint li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li normalment ikollhom kuntatti eċċellenti kemm mal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja kif ukoll mal-post tax-xogħol, jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jistimulaw u jimmoderaw dan id-djalogu;

17.

fil-fehma tiegħu, ir-rilevanza tal-edukazzjoni għolja toħroġ fid-dieher ukoll minn kemm l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali jew reġjonali tipiċi u b’hekk jagħmlu kontribut ġenwin għall-iżvilupp lokali jew reġjonali. Il-Kumitat iqis l-għeruq twal fir-reġjun bħala waħda mid-dimensjonijiet li għaliha l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja jistgħu jadattaw il-missjoni u l-prijoritajiet strateġiċi tagħhom bħala sforz għall-eċċellenza u għalhekk jenfasizza u jappoġġja d-diversità u l-karattru oriġinali tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja Ewropej;

18.

jappella sabiex jiġu introdotti b’mod wiesa’ soluzzjonijiet fil-qasam tal-ICT fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja kollha tal-Ewropa; l-iżvilupp ta’ pjattaforma komuni tal-IT mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali rilevanti jaf iwassal għal żieda fir-rata ta’ ksib ta’ suċċess;

2.3.   It-tisħiħ tal-kwalità permezz tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni transkonfinali

19.

jisħaq fuq l-importanza tal-mobbiltà pjanata sew u l-kooperazzjoni transkonfinali għall-kwalità tal-edukazzjoni u għall-iżvilupp personali, minn diversi perspettivi, li l-persuni jistgħu jibbenefikaw minnhom. Il-Kumitat jipproponi li, fost oħrajn, permezz tal-ixprun li qed jagħti l-programm Erasmus, u bit-tisħiħ addizzjonali tal-proċess ta’ Bologna, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja għamlu progress enormi f’dan il-qasam. Il-Kumitat huwa tal-fehma li dawn il-programmi u din l-kooperazzjoni huma imprezzabbli peress li jagħtu lil ħafna nies immaġni konkreta u pożittiva tal-“Ewropa”;

20.

madankollu, jinnota li għad hemm ħafna xi jsir biex l-opportunitajiet għall-mobbiltà tat-tagħlim u l-kooperazzjoni transkonfinali jitwessgħu u fl-istess ħin ikunu iktar profondi, u biex il-valur miżjud jikber. Il-Kummissjoni Ewropea tagħmel sew li telenka għadd ta’ ostakli, li jinsabu f’diversi livelli ta’ politika u ħafna drabi jkunu integrati f’kuntest nazzjonali speċifiku. Il-Kumitat huwa tal-fehma li din il-kumplessità m’għandhiex iżżomm lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja milli jindirizzaw dawn il-problemi mingħajr dewmien, skont il-kompetenzi partikolari tagħhom;

21.

iħeġġeġ l-introduzzjoni tas-Supplementi ta’ Diploma fl-istituzzjonijiet kollha ta’ edukazzjoni għolja, billi dawn jirrappreżentaw pass importanti ħafna lejn il-paragunabbiltà tad-diplomi u jgħinu biex ir-rikonoxximent tad-diplomi jkun ħafna iżjed faċli;

22.

jiġbed l-attenzjoni għal xi inizjattivi eżistenti biex tiġi garantita l-kwalità transkonfinali fl-edukazzjoni għolja; u, fid-dawl tal-impatt strutturali tagħhom fuq is-sistema tal-edukazzjoni għolja tal-Istati Membri u r-reġjuni involuti, jipproponi li dawn jiġu promossi bħala mudell għall-kooperazzjoni transkonfinali;

23.

jappella lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, li f’ħafna każi huma l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, biex iħaffu r-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u jagħmluha iżjed faċli sabiex ikun hemm tnaqqis sinifikanti tal-piż fuq il-mobbiltà tal-istudenti u l-akkademiċi; din il-proċedura m’għandiex tpoġġi spejjeż kbar wisq fuq min jagħmel it-talba u m’għandhiex iddum iżjed minn erba’ xhur;

2.4.   Inħaddmu t-trijangolu tal-għarfien

24.

jirrikonoxxi bis-sħiħ il-bżonn li jiġi żviluppat u użat aħjar it-“trijangolu tal-għarfien” imsawwar mill-edukazzjoni, ir-riċerka u l-kumpaniji u jaqbel għalkollox mal-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-istituti ta’ riċerka jistgħu jixprunaw l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni fejn ikunu bbażati, jisfruttaw il-vantaġġi reġjonali globalment jew inkella jservu bħala l-intermedjarji ta’ netwerk tal-għarfien għall-ekonomija u s-soċjetà lokali;

25.

jagħraf li dan huwa tassew minnu jekk l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaġixxu b’mod strateġiku billi jipprovdu appoġġ u b’mod konxju jagħżlu għadd ta’ oqsma prijoritarji bbażati fuq il-vantaġġi u l-bżonnijiet individwali ta’ kull reġjun; għandha titħeġġeġ bil-qawwa l-formazzjoni ta’ clusters tal-għarfien u tal-innovazzjoni li jinvolvu l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-universitajiet u l-intrapriżi lokali, inklużi negozji li jkunu għadhom kemm fetħu;

26.

jinnota li f’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni Ewropea tiffoka ħafna fuq il-kumpaniji, fuq il-potenzjal għall-prodotti u s-servizzi li jistgħu jinbiegħu, kif ukoll is-suq tal-għarfien; jenfasizza li l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u l-istituti ta’ riċerka għandhom ukoll dmir soċjali fir-rigward tal-entitajiet pubbliċi u tas-settur mingħajr skop ta’ qligħ, bħal pereżempju l-edukazzjoni (obbligatorja), is-settur mediku u paramediku u l-faċilitajiet soċjali u tal-benesseri, fost oħrajn;

2.5.   It-titjib fit-tmexxija u l-finanzjament

27.

jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-investiment globali fl-edukazzjoni għolja fl-Ewropa huwa baxx wisq u għalhekk jagħraf li mhux biss l-Istati Membri, iżda ħafna drabi anke l-gvernijiet reġjonali jridu jieħdu r-responsabbiltà biex iżidu l-investiment pubbliku fl-edukazzjoni għolja. Il-Kumitat għalhekk jitlob lill-Istati Membri, u fejn huwa adatt anke lill-gvernijiet reġjonali, biex minkejja l-pressjoni baġitarja, ma jiħdux riskju fuq il-futur u jinvestu iktar fit-tkabbir fuq perjodu twil, minflok ma jnaqqsu l-investimenti fis-setturi li huma s-sisien tat-tkabbir t’għada. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tieħu azzjoni konkreta f’dan ir-rigward billi tuża s-Semestru Ewropew biex tiżgura li l-iffrankar ma jaffettwax lis-setturi li huma kruċjali għat-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020;

28.

billi tieħu l-approċċ li l-edukazzjoni hija parti mill-ġid pubbliku, jaqbel mal-Kummissjoni li l-investiment pubbliku huwa - u għandu jibqa’ mingħajr kundizzjonijiet - il-bażi ewlenija għal edukazzjoni għolja sostenibbli;

29.

jaċċetta l-ħidma biex jiġu diversifikati l-mezzi finanzjarji, pereżempju permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati għall-finanzjament tal-infrastruttura, iżda jwissi wkoll li l-aċċess għal wieħed mis-sorsi alternattivi potenzjali – jiġifieri ż-żieda fil-finanzjament privat billi jiżdiedu l-miżati tal-istudju – tista’ żżid il-pressjoni fuq il-familji. Il-Kumitat jibża’ li din il-pressjoni fuq il-familji, fost affarijiet oħra, tista’ twassal għal inqas parteċipanti, għal bidla fil-koeżjoni soċjali tal-popolazzjoni tal-istudenti u għal flussi ta’ mobbiltà iktar żbilanċjati bejn l-Istati Membri jew ir-reġjuni. Għaldaqstant, bil-għan li jinħolqu opportunitajiet indaqs għal kulħadd u biex tinkiseb l-eċċellenza, il-Kumitat jirrakkomanda li tittejjeb il-politika dwar għotjiet ta’ flus u self għall-istudju abbażi ta’ kriterji ta’ introjtu u prestazzjoni akkademika;

30.

jaqbel mal-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament ġodda jew eżistenti li huma bbażati fuq il-prestazzjoni, jappoġġja l-għażliet strateġiċi li jvarjaw u d-diversità fil-profili istituzzjonali u jħeġġeġ l-eċċellenza fid-dimensjonijiet kollha tagħha. Fl-istess ħin, il-Kumitat jixtieq jenfasizza wkoll li l-esperjenza wriet li l-introduzzjoni ta’ tali mekkaniżmi għandha ssir bir-reqqa u bl-attenzjoni meħtieġa, speċjalment biex il-formuli u l-indikaturi użati verament jappoġġjaw l-għanijiet mixtieqa u jqisu b’mod adegwat id-diversità bejn l-istituzzjonijiet u fi ħdanhom;

31.

jinnota li l-awtonomija ikbar tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja ma tfissirx li teħlishom mill-obbligi jew mir-responsabbiltà tagħhom fir-rigward tal-ambjent li jkunu jinsabu fih. Madankollu, il-Kumitat jirrikonoxxi li ż-żieda fl-awtonomija tal-istituzzjonijiet fil-biċċa l-kbira jkollha influwenza pożittiva biex jiżdied il-kapital privat, u b’hekk tikkontribwixxi biex jiżdied, kif inhu mixtieq, l-investiment fl-edukazzjoni għolja;

3.   Il-kontribuzzjoni tal-UE: Inċentivi għat-trasparenza, id-diversifikazzjoni, il-mobbiltà u l-kooperazzjoni

32.

bi pjaċir jinnota r-rwol iktar attiv li l-Kummissjoni Ewropea tixtieq tieħu fl-appoġġ għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u d-diversi awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali bl-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ modernizzar tal-edukazzjoni għolja. Il-Kumitat iqis li dan l-appoġġ, ikun ta’ liema xorta jkun, huwa kruċjali biex jinkisbu l-konverġenza meħtieġa bejn id-diversi awtoritajiet u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja kif ukoll id-diversità u l-ispeċjalizzazzjoni mixtieqa;

33.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, hija u tistabbilixxi l-programmi konkreti u l-linji gwida, tagħti iktar attenzjoni lil waħda mill-prijoritajiet li hi stess tistabbilixxi għall-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja: iż-żieda fil-parteċipazzjoni u t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-edukazzjoni għolja għal dan il-għan;

3.1.   Is-sostenn għar-riforma permezz tal-evidenza, l-analiżi u t-trasparenza tal-politika

34.

Huwa tal-fehma li, fost affarijiet oħra, fis-segwitu tal-proċess ta’ Bologna ntwera li l-ħidma b’tabelli ta’ tqabbil relattivament sempliċi biex jiġi monitorjat l-istatus ta’ aġenda ta’ riforma tista’ tkun effettiva ħafna billi tipprovdi l-informazzjoni u tiġġenera l-interess, u jipproponi li tali strument għandu jibda jintuża iktar. F’dan il-kuntest, il-Kumitat josserva li ħafna drabi, tabella fil-livell nazzjonali ma tkunx tista’ tiġbor id-dinamiki differenti tad-diversi reġjuni u għalhekk mhux dejjem tirrifletti sew il-politika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-iktar fejn l-oqsma jkunu kompiti parzjali jew totali tagħhom;

35.

jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fil-pjan tagħha biex bis-saħħa ta’ “U-Map” tagħti iktar dettalji dwar id-diversi profili tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u bil-“U-Multirank”, ibbażata fuq il-prestazzjoni, ħolqot strument ta’ informazzjoni multidimensjonali u ta’ klassifikazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li dan ma jwassalx għal iżjed burokrazija sproporzjonata għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja. Il-Kumitat iqis li huwa ovvju li l-involviment u l-parteċipazzjoni fil-livell lokali hija waħda mid-dimensjonijiet li fuq il-bażi tagħha l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għandhom ikunu klassifikati;

36.

bi pjaċir jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tikkoopera mal-Eurostat għall-ġbir ta’ informazzjoni aħjar dwar il-mobbiltà għal finijiet edukattivi u r-riżultati tal-impjiegi fl-edukazzjoni għolja. Il-Kumitat jenfasizza li tali informazzjoni mhijiex biss ta’ interess għall-istudenti u l-gradwati tal-edukazzjoni għolja, iżda tista’ wkoll tgħin lill-istudenti huma u jagħmlu l-għażliet għall-istudju;

37.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra sew liema għanijiet trid tilħaq bil-ħolqien tar-Reġistru Ewropew għall-Edukazzjoni Terzjarja u sa liema punt dawn mhumiex diġà indirizzati minn inizjattivi oħra, qabel ma tibda tiżviluppa strument ta’ dan it-tip;

3.2.   Il-promozzjoni tal-mobbiltà

38.

jaqbel għalkollox mal-importanza tal-promozzjoni tal-mobbiltà u f’dan il-kuntest jirreferi lill-Kummissjoni Ewropea għall-kummenti li għadhom validi fil-punt dwar “L-inizjattivi marbuta mal-mobilità” fl-opinjoni tal-Kumitat tas-27 u t-28 ta’ Jannar 2011 dwar l-inizjattiva ewlenija “iż-Żgħażagħ Attivi” (1);

39.

barra minn hekk, jinsab konvint ukoll li l-isforz biex jittejjeb l-għarfien tal-lingwi m’għandux biss il-potenzjal li jżid il-volum tal-iskambju iżda anke biex iżid il-kwalità, huwa tal-fehma li l-Kummissjoni Ewropea tista’ taqdi rwol ta’ appoġġ f’dan ir-rigward u jfakkar fl-objettiv tal-politika Ewropea dwar il-multilingwiżmu li kull Ewropew għandu jkollu l-għarfien ta’ żewġ lingwi barra mil-lingwa materna tiegħu;

40.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea fix-xewqa tagħha li l-istudenti, irrispettivament mill-isfond soċjali tagħhom, jingħataw aċċess aħjar għall-edukazzjoni ta’ Masters fi Stat Membru ieħor u jikkonferma li jeħtieġ li jkun hemm iktar għajnuna finanzjarja għal din il-kategorija ta’ studenti. Il-Kumitat jieħu nota tas-suġġeriment tal-Kummissjoni Ewropea biex, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, tinħoloq faċilità ta’ garanzija għas-self lill-istudenti fil-livell Ewropew. Il-Kumitat jenfasizza li dan m’għandux iwassal biex l-aċċess għall-mobbiltà jsir prodott kummerċjali. Il-ħolqien ta’ faċilità bħal din għandu jikkomplementa s-sistemi ta’ programmi tal-għotjiet bħall-Erasmus, li huma apprezzati ħafna u li ilhom juru l-valur tagħhom (2);

41.

jiddispjaċih li n-nuqqas ta’ mobbiltà ta’ self nazzjonali joħloq ostaklu għall-mobbiltà tal-istudenti; jisħaq fuq l-obbligu li jingħataw self u għotjiet mingħajr l-ebda diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità;

42.

jagħraf li ċerti flussi tal-mobbiltà jistgħu jfissru sfida għal ċerti pajjiżi u kultant din l-isfida tkun akbar għal ċerti reġjuni. Il-Kumitat huwa favur l-introduzzjoni ta’ regoli ta’ aċċess għal dawk l-istudji, bħall-mediċina, li jintitolaw lil dak li jkun joffri ċerti servizzi, b’kunsiderazzjoni tal-livell reġjonali, sabiex tiġi żgurata l-kura medika reġjonali. Barra minn hekk, il-Kumitat jinsab lest li jikkoopera f’analiżi dettaljata ta’ din il-problema biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli fejn il-partijiet kollha konċernati jkunu jistgħu jaqblu u li jirrispettaw l-acquis Ewropew;

43.

fl-istess ħin huwa konvint li għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi sabiex jiggarantixxu li l-mobbiltà għal finijiet edukattivi tkun aċċessibbli bl-istess kundizzjonijiet għall-istudenti kollha, irrispettivament mill-qagħda soċjoekonomika tagħhom jew mill-pożizzjoni ġeografika tar-reġjun fejn ikunu joqogħdu;

44.

jagħraf ukoll li hemm xi tħassib dwar il-kwalità ta’ ċerti tipi ta’ edukazzjoni transkonfinali pprovduti fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (franchise agreements) u jitlob lill-Istati Membri kollha biex jieħdu l-miżuri kollha, pereżempju l-garanzija tal-kwalità tat-taħriġ li jiġi offrut mill-istituzzjonijiet tagħhom ta’ edukazzjoni għolja lill-barannin, sabiex bejn l-Istati Membri jibqa’ jkun hemm bażi ta’ fiduċja sħiħa fl-istituzzjonijiet ta’ xulxin;

45.

jaqbel li għad hemm wisq ostakli għall-mobbiltà transkonfinali tar-riċerkaturi u jappella lill-Istati Membri biex jaħdmu b’mod attiv għal regolamentazzjoni aħjar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol sekondarji u d-drittijiet soċjali, sabiex ir-riċerkaturi jkollhom iktar sigurtà dwar dawn l-aspetti meta jsiefru u b’hekk isibuha inqas bi tqila biex jieħdu sehem fil-mobbiltà transkonfinali;

3.3.   Inpoġġu l-edukazzjoni għolja fiċ-ċentru tal-innovazzjoni, tal-ħolqien tal-impjiegi u tal-impjegabbiltà

46.

bi pjaċir jantiċipa l-approvazzjoni tal-Aġenda għall-Innovazzjoni Strateġika u jittama li tista’ tiġi implimentata bil-pass meħtieġ għall-espansjoni tal-prijoritajiet fl-iżvilupp tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u fit-tnedija ta’ Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni ġodda;

47.

b’interess jinnota l-iżvilupp ta’ “alleanzi tal-għarfien” bejn l-edukazzjoni għolja u l-kumpaniji, iżda fl-istess ħin jistaqsi jekk dawn l-alleanzi jistgħux ikunu utli u bżonjużi anke bejn l-edukazzjoni għolja u l-korpi u l-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ. Il-Kumitat qed jikkunsidra, fost oħrajn, l-isfidi li qed tiffaċċja l-Ewropa fir-rigward tat-tixjiħ u t-tnaqqis fl-għadd ta’ żgħażagħ fil-popolazzjoni, is-soċjetà multikulturali, it-tibdil fil-klima, eċċ.

48.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiżviluppa qafas ta’ kwalità għall-apprendistati, u huwa konvint li l-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jridu jagħtu importanza prijoritarja lill-monitoraġġ attiv tal-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas; it-twaqqif propost ta’ pjattaforma ċentralizzata għall-offerta ta’ apprendistati fl-Ewropa jista’ jkun mezz eċċellenti biex jingħata aċċess faċli għal offerti ta’ apprendistat u biex iż-żgħażagħ jitħeġġu japplikaw għal apprendistati fi Stati Membri oħra;

3.4.   Is-sostenn tal-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja Ewropea

49.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li l-internazzjonalizzazzjoni u l-kooperazzjoni transkonfinali ma jistgħux jibqgħu limitati għall-ambitu tal-Unjoni Ewropea u li barra minn dan l-ambitu hemm id-dinja kollha x’tinkiseb. Għalhekk, il-Kumitat jenfasizza b’mod speċjali li jeżisti potenzjal enormi għall-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni li għandhom fruntiera komuni ġewwa u barra l-UE. F’dan ir-rigward, l-UE għandha tħeġġeġ il-kooperazzjoni tal-universitajiet Ewropej maċ-ċentri tal-edukazzjoni għolja f’pajjiżi terzi bil-għan li, fost affarijiet oħra, issaħħaħ il-governanza u l-programmi edukattivi tagħhom permezz tal-esperjenza miksuba miċ-ċentri tagħna. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu promossi l-azzjonijiet tal-mobbiltà u l-iskambju tal-istudenti u l-lekċerers tal-universitajiet tar-reġjuni tal-fruntiera u dawk ta’ pajjiżi terzi ġirien, bħala għajnuna għall-esportazzjoni tal-prattiki tajbin;

50.

jistenna li jsiru proposti iktar konkreti dwar il-mod kif il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tappoġġja l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u jistenna li l-Kummissjoni Ewropea ser tidħol fi djalogu mal-partijiet kollha konċernati. Il-Kumitat jenfasizza li anke l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti f’tali djalogu, billi l-istrateġiji tal-internazzjonalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja ħafna drabi jaħdmu mill-qrib mal-istrateġiji tal-iżvilupp tar-reġjun fejn ikunu bbażati;

3.5.   It-tisħiħ tal-impatt fit-tul u l-komplementarjetà tal-finanzjament mill-UE

51.

jilqa’ l-proposta li mill-2014, il-programmi attwali għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ ser ikomplu jissaħħu mil-lat finanzjarju u ser ikomplu jiġu semplifikati mil-lat amministrattiv fil-qafas tal-programm “Erasmus għal Kulħadd”. Il-Kumitat jittama li dan il-programm ġdid mhux biss iwassal għall-espansjoni fid-diversi forom ta’ skambju u kooperazzjoni, iżda anke għal iktar kwalità;

52.

jinsab daqstant entużjast dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex il-programmi Ewropej li hemm bħalissa għar-riċerka u l-innovazzjoni jingħaqdu fil-programm il-ġdid “Horizon 2020”;

53.

fid-dawl tar-relazzjoni stretta li għandhom mal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, joffri lill-Kummissjoni Ewropea l-appoġġ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex ikunu jistgħu jisfruttaw għalkollox il-possibbiltajiet li joffru “Erasmus għal Kulħadd” u “Horizon 2020”;

54.

jenfasizza li, l-istess kif qal f’opinjonijiet preċedenti, l-inklużjoni tal-programmi eżistenti f’dawn il-programmi l-ġodda għandha ssir bil-galbu, sabiex l-elementi siewja mill-programmi attwali ma jintilfux b’dan it-tibdil;

55.

jissottolinja r-rabta li l-Kummissjoni Ewropea tagħmel bejn l-edukazzjoni (għolja) minn naħa, u min-naħa l-oħra l-politika ta’ koeżjoni tal-UE, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew. Sabiex dawn il-mezzi jiġu sfruttati kemm jista’ jkun b’mod effettiv u effiċjenti mill-benefiċjarji, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex b’mod attiv tidentifika l-prattiki tajba mid-diversi Stati Membri u reġjuni u xxerridhom fuq firxa kbira;

3.6.   Il-passi li jmiss lejn edukazzjoni għolja Ewropea intelliġenti, sostenibbli u inklużiva

56.

iqis li meta tkun qed tistabbilixxi programmi konkreti u linji gwida sostenibbli, il-Kummissjoni Ewropea ser iżżomm id-djalogu ferm apprezzat mal-atturi involuti kollha, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

57.

jieħu nota tal-proposta biex jitwaqqaf grupp ta’ livell għoli biex janalizza l-iktar elementi importanti tal-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja u jassumi li l-Kummissjoni Ewropea, meta tkun qed twaqqaf dan il-grupp, ser tqis b’mod sħiħ l-isfidi partikolari li semmiet fil-Komunikazzjoni; jitlob li l-KtR ikun rappreżentat f’dan il-grupp ta’ livell għoli;

58.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, hija u twettaq l-aġenda ta’ modernizzar, tagħti attenzjoni lis-sinerġija meħtieġa bejn l-inizjattivi ewlenin kollha rilevanti għal din l-aġenda, u biex tikkunsidra wkoll l-opinjonijiet li l-Kumitat ħareġ dwar dawn l-inizjattivi ewlenin.

Brussell, 16 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 292/2010 fin.

(2)  Ara l-punt 20 tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-inizjattiva ewlenija “Iż-Żgħażagħ Attivi” (CdR 292/2010 fin), adottata fit-88 sessjoni plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni fis-27 u t-28 ta’ Jannar 2011.


18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/52


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Inżidu l-impatt tal-politika tal-UE għall-iżvilupp: Aġenda għall-Bidla”

2012/C 113/10

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jaqbel mar-rieda politika tal-Kummissjoni li l-UE tibqa’ minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-faqar fid-dinja, b’mod partikolari billi tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-MDGs minkejja l-kuntest ta’ kriżi ekonomika, soċjali u finanzjarja;

jaqbel mal-Kummissjoni li, għalkemm l-UE tat kontribut importanti biex jintlaħqu l-MDGs, dawn għadhom ’il bogħod milli jinkisbu u għalhekk jeħtieġ li jerġa’ jinħaseb il-futur tal-politika għall-iżvilupp tal-UE;

itenni x-xewqa tiegħu li r-reviżjoni tal-politika Ewropea għall-iżvilupp u l-kunsens Ewropew jenfasizzaw il-pożizzjoni, ir-rwol u l-valur miżjud tal-awtoritajiet reġjonali u lokali f’dawn l-oqsma u politiki; il-KtR jintrabat li jkompli l-kollaborazzjoni mill-qrib tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea filwaqt li juża aktar l-għodod bħall-“Atlas tal-Kooperazzjoni Deċentralizzata” jew il-portal elettroniku, u jikkoopera fl-organizzazzjoni tal-Konferenza dwar il-Kooperazzjoni Deċentralizzata;

jinsisti li r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-politika tal-UE għall-iżvilupp għandu jitqies b’mod aktar ċentrali u divrenzjat, kemm minħabba l-esperjenza politika tagħhom f’aspetti bħad-deċentralizzazzjoni tal-kompetenzi, il-bini tal-istituzzjonijiet jew il-governanza lokali, kif ukoll minħabba l-valur miżjud importanti li jistgħu joffru lil pajjiżi terzi fl-oqsma msemmija jew f’setturi strateġiċi bħall-biedja, is-sajd u l-akkwakultura; dawn huma importanti meta jiġu indirizzati l-inizjattivi li l-UE tixtieq tappoġġja fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel;

jaqbel mal-Kummissjoni li l-UE għandha tkompli tirrikonoxxi l-importanza partikolari tal-appoġġ għall-iżvilupp tal-ġirien tagħha u tal-Afrika sub-Saħarjana u għaldaqstant, jitlob li jitqies il-potenzjal tal-ARLEM u l-CORLEAP.

Relatur

Is-Sur Jesús Gamallo ALLER (ES/PPE), Direttur Ġenerali tar-Relazzjonijiet Esterni mal-Unjoni Ewropea, Xunta ta’ Galicia

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla”

COM(2011) 637 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jirrikonoxxi l-valur tal-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni intitolata “Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla”. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta diversi proposti sabiex jittejjeb l-impatt tal-politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp matul l-għaxar snin li ġejjin, filwaqt li tissokta l-ħidma biex jinkiseb l-għan tal-UE li jiġi eliminat il-faqar f’kuntest ta’ żvilupp sostenibbli u li jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (Millenium Development Goals – MDGs);

2.

jaqbel mar-rieda politika tal-Kummissjoni li l-UE tibqa’ minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-faqar fid-dinja, b’mod partikolari billi tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-MDGs minkejja l-kuntest ta’ kriżi ekonomika, soċjali u finanzjarja;

3.

jaqbel mal-Kummissjoni li, għalkemm l-UE tat kontribut importanti biex jintlaħqu l-MDGs, dawn għadhom ’il bogħod milli jinkisbu. Għalhekk jeħtieġ li jerġa’ jinħaseb il-futur tal-politika għall-iżvilupp tal-UE sabiex tiġġieled b’mod effikaċi kontra l-faqar waqt li tiffoka l-għajnuna tagħha f’pajjiżi msieħba fejn jista’ jkollha l-akbar impatt, u tikkonċentra l-kooperazzjoni għall-iżvilupp fuq l-appoġġ għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u elementi ewlenin oħrajn ta’ governanza tajba, f’kuntest ta’ żvilupp inklużiv u sostenibbli;

4.

itenni x-xewqa tiegħu li r-reviżjoni tal-politika Ewropea għall-iżvilupp u l-kunsens Ewropew jenfasizzaw il-pożizzjoni, ir-rwol u l-valur miżjud tal-awtoritajiet reġjonali u lokali f’dawn l-oqsma u politiki, kif diġà nnota fl-opinjonijiet CdR 312/2008 (1), CdR 116/2010 (2) u CdR 408/2010 (3). F’dan ir-rigward, u bil-għan li jiġu promossi l-iskambji u li jkun hemm forum fejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali jesprimu l-fehmiet politiċi tagħhom dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-KtR jintrabat li jkompli l-kollaborazzjoni mill-qrib tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea filwaqt li juża aktar l-għodod bħall-“Atlas tal-Kooperazzjoni Deċentralizzata” jew il-portal elettroniku, u jikkoopera fl-organizzazzjoni tal-Konferenza dwar il-Kooperazzjoni Deċentralizzata;

5.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi tal-Kummissjoni fuq approċċ imsejjes fuq l-atturi iżda jiddispjaċih li ma ssirx referenza għall-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-Ewropa bħala atturi prinċipali għall-iżvilupp u li dawn jissemmew biss flimkien ma’ korpi oħrajn;

6.

jinsisti li r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-politika tal-UE għall-iżvilupp għandu jitqies b’mod aktar ċentrali u divrenzjat, kemm minħabba l-esperjenza politika tagħhom f’aspetti bħad-deċentralizzazzjoni tal-kompetenzi, il-bini tal-istituzzjonijiet jew il-governanza lokali, kif ukoll minħabba l-valur miżjud importanti li jistgħu joffru lil pajjiżi terzi fl-oqsma msemmija jew f’setturi strateġiċi bħall-biedja, is-sajd u l-akkwakultura; dawn huma importanti meta jiġu indirizzati l-inizjattivi li l-UE tixtieq tappoġġja fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel. Għandu jiġu kkunsidrat ir-rwol partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi bħala fruntieri attivi u pjattaformi tal-UE fid-dinja, li jistgħu jagħmlu l-politika għall-iżvilupp aktar effikaċi, bħalma jingħad fl-opinjoni CdR 408/2010;

7.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tingħażel it-taħlita t-tajba ta’ politiki, strumenti u riżorsi sabiex l-UE tkun effikaċi u effiċjenti fil-ġlieda kontra l-faqar, u jitlob għal kriterji u linji gwida komuni li bihom ikunu jistgħu jitkejlu l-effettività u l-impatt tal-politiki ta’ żvilupp. L-UE għandha tikkontribwixxi għall-ħidma, ta’ korpi bħall-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp (DAC) tal-OECD u atturi globali oħra;

Drittijiet tal-bniedem, demokrazija u elementi ewlenin oħrajn ta’ governanza tajba

8.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-governanza tajba, fid-dimensjonijiet kollha tagħha, hija essenzjali għall-iżvilupp inklużiv u sostenibbli, u li għalhekk il-bini tal-istituzzjonijiet fil-pajjiżi msieħba u t-titjib tal-livelli tagħhom ta’ effikaċja, demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt huma fost il-kompiti ċentrali ta’ kull strateġija ta’ żvilupp;

9.

jenfasizza li, kif uriet l-esperjenza, il-proċessi ta’ deċentralizzazzjoni jaqdu rwol importanti sabiex jiġu żviluppati istituzzjonijiet aktar demokratiċi, li jirrispettaw aktar l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, li jkollhom governanza mtejba u li jkunu aktar qrib tal-bżonnijiet tal-popolazzjoni. L-awtoritajiet reġjonali u lokali għandu jkollhom post prinċipali f’dawn il-proċessi;

10.

jaqbel mal-Kummissjoni li hemm lok biex l-UE tikkollabora aktar kemm mas-soċjetà ċivili kif ukoll mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda jinsisti li għandha ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-awtoritajiet reġjonali u lokali permezz ta’ djalogu strutturat li jsir kull tant żmien. Jiddispjaċih li fil-mument ma jiġix enfasizzat ir-rwol ċentrali li għandhom jaqdu l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-kwalità tagħhom ta’ atturi demokratiċi u rappreżentattivi. Dawn jistgħu, pereżempju, jistabbilixxu sħubijiet ta’ eċċellenza mal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw. F’dan ir-rigward, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni toħloq strument finanzjarju speċifiku li jippromovi l-ħolqien ta’ dawn s-sħubijiet. Il-KtR iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tistabbilixxi għanijiet relatati mal-appoġġ lill-awtoritajiet lokali fil-qafas ta’ programmi speċifiċi biex b’hekk l-istrateġiji partikolari tal-pajjiż iwasslu għal firxa usa’ ta’ inizjattivi favur id-deċentralizzazzjoni. Għalhekk, il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li tiżdied id-deċentralizzazzjoni b’konformità mal-miżuri u l-għanijiet marbuta mal-koeżjoni soċjali u d-drittijiet tal-bniedem;

Tkabbir inklużiv u sostenibbli għall-iżvilupp tal-bniedem

11.

jaqbel mal-Kummissjoni rigward il-promozzjoni ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli ffokat fuq setturi bħall-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-edukazzjoni li jiggarantixxu l-inklużjoni, jew fuq il-biedja u s-sorsi tal-enerġija nodfa li jiggarantixxu s-sostenibbiltà. Madankollu, jiddispjaċih li f’dan ir-rigward ma ssirx referenza għall-ħtieġa li jittejjeb it-tqassim tal-frott tal-progress sabiex jiġi żgurat it-tqassim ekwu tad-dħul;

12.

jinsisti li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jitqiesu bħala atturi fundamentali fit-tkabbir inklużiv u sostenibbli. Għalhekk, l-għajnuna tagħhom hija essenzjali sabiex dan l-iżvilupp ikun vijabbli. Jenfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet stabbiliti bejn l-awtoritajiet lokali tal-Ewropa u dawk tal-pajjiżi benefiċjarji għall-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sjieda li jinsab fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi;

13.

jaqbel li tiġi offruta l-għajnuna sabiex jiġu indirizzati d-defiċits tal-kompetittività bħala parti mill-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika u ftehmiet oħrajn dwar il-kummerċ ħieles, iżda jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati r-regoli bażiċi tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli relatati mal-oriġini tal-prodotti li jkunu ġejjin minn pajjiżi msieħba, minħabba l-ħsara li ċerti derogi regolatorji jistgħu jagħmlu fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern;

14.

jinnota li l-Kummissjoni għandha tispjega b’mod ċar x’jinvolvu l-“modi ġodda ta’ involviment tas-settur privat”, billi l-kooperazzjoni Ewropea ftit li xejn għandha esperjenza f’dan il-qasam meta mqabbla ma’ donaturi multilaterali oħra bħall-Bank Dinji, u billi l-evalwazzjonijiet eżistenti dwar il-konfinanzjament ta’ proġetti mas-settur privat urew li hu diffiċli li jiġu stabbiliti marki ċari ta’ żvilupp għal parti kbira mill-interventi ffinanzjati;

15.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-bżonn li jiġi appoġġjat is-settur agrikolu sabiex jitpoġġew is-sisien għal tkabbir sostenibbli, iżda ma’ dan iżid jgħid li l-iżvilupp agrikolu u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel huma dimensjonijiet fundamentali tal-proċess tal-iżvilupp, kif ġie indikat fil-punt 39 tal-opinjoni CdR 408/2010;

16.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-UE għandha tappoġġja l-prattiki sostenibbli filwaqt li tagħti prijorità lil dawk applikati fl-ambitu lokali u tiffoka fuq il-bdiewa ż-żgħar u l-mezzi tal-għajxien tal-komunitajiet rurali, it-twaqqif ta’ gruppi ta’ produtturi u l-katina tal-provvista u l-kummerċjalizzazzjoni. L-UE għandha tkompli taħdem biex issaħħaħ ir-regoli dwar in-nutrizzjoni u l-ġestjoni tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u biex tnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet tal-ikel f’livell internazzjonali. Però jitlob li anke f’dan il-każ jitqiesu l-kapaċitajiet u l-esperjenzi tar-reġjuni Ewropej fit-tfassil ta’ infrastrutturi bażiċi għad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ikel, fl-istudju tal-produttività tal-art u l-ġestjoni tal-biedja skont il-kundizzjonijiet tal-madwar, fil-ġestjoni ta’ ekosistemi lokali fraġli u fit-tfassil ta’ pjani biex tiġi żgurata l-provvista għall-popolazzjoni;

17.

jaqbel li l-UE għandha toffri teknoloġija u għarfien kif ukoll finanzjament għall-iżvilupp fis-settur tal-enerġija, u tippromovi b’mod partikolari ż-żieda fl-użu tal-enerġija rinnovabbli billi tgħaqqad l-esperjenza Ewropea mal-kundizzjonijiet speċjali ta’ xi pajjiżi msieħba sabiex tintuża l-enerġija ta’ dan it-tip;

18.

itenni kemm hu siewi li jiġi ffirmat Patt tas-Sindki u tar-Reġjuni f’livell internazzjonali bil-għan li jipprovdi l-enerġija liċ-ċittadini kollha fil-kuntest tal-programmi konġunti u bi strument finanzjarju adegwat u speċifiku, kif jintqal fil-punt 37 tal-opinjoni CdR 408/2010;

Sħubijiet divrenzjati għall-izvilupp

19.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-UE għandha tkompli tirrikonoxxi l-importanza partikolari tal-appoġġ għall-iżvilupp tal-ġirien tagħha u tal-Afrika sub-Saħarjana. Għaldaqstant, jitlob li jitqies il-potenzjal tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) u tal-Konferenza Annwali tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tas-Sħubija tal-Lvant (CORLEAP) bħala forums fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri u tal-pajjiżi msieħba jistgħu jiltaqgħu u jiddjalogaw;

20.

jaqbel mal-Kummissjoni rigward il-kriterji għall-allokazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE, iżda jitlob li jitqiesu wkoll ir-rabtiet storiċi u kulturali kif ukoll it-tradizzjoni tal-ħidma komuni li tkun saret qabel;

21.

madankollu, ifakkar li 70 % tal-popolazzjoni dinjija li tinsab taħt il-linja tal-faqar tgħix f’pajjiżi bi dħul medju. Għalhekk jisħaq fuq il-ħtieġa li l-politika l-ġdida dwar il-konċentrazzjoni tal-għajnuna tiġi applika b’mod prudenti u gradwali, u fl-istess ħin jiġu stabbiliti kriterji trasparenti u oġġettivi biex jittieħdu d-deċiżjonijiet;

Azzjoni kkoordinata tal-UE

22.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-ipprogrammar konġunt tal-għajnuna tal-UE u tal-Istati Membri għandu jillimita l-frammentazzjoni u jtejjeb l-effikaċja, iżda jinsisti fuq il-bżonn ta’ koordinazzjoni aktar fil-fond li tmur lil hinn mis-sempliċi eżerċizzju tal-ippjanar konġunt filwaqt li jitqies il-fatt li l-koordinazzjoni tal-għajnuna hi wieħed mill-prinċipji definiti fl-Aġenda ta’ Pariġi, hi parti mill-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u hi wieħed mill-prinċipji regolatorji tal-liġi primarja (Artikolu 210 tat-TFUE);

23.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tirreferi għall-ħtieġa li jsir progress fit-tqassim tax-xogħol bejn id-donaturi Ewropej sabiex ikun hemm aktar koordinazzjoni u komplementarjetà. Madankollu, kif jisħaq fl-opinjoni CdR 408/2010, it-tqassim tax-xogħol m’għandux jitqies biss fil-qafas tad-donaturi nazzjonali, iżda wkoll bejnhom u d-donaturi sottonazzjonali (reġjonali u lokali) rispettivi, fid-dawl tar-rwol rilevanti li għandhom fid-diversi sistemi ta’ kooperazzjoni tal-UE. Għalhekk, huwa jappella lill-Kummissjoni biex toħloq punti ta’ referenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Servizz Ewropew Komuni għall-Azzjoni Esterna u fid-Direttorat Ġenerali DEVCO, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba. Barra minn hekk, iqis li hija ħaġa indispensabbli li tiġi stabbilita linja ta’ finanzjament speċifika għall-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE;

24.

jemmen li jeħtieġ jinsabu l-aspetti komplementari u jiġi evitat ix-xogħol doppju fl-interventi, sabiex il-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tissaħħaħ u ssir aktar effikaċi. Għal dan il-għan, irid isir progress fit-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-atturi waqt li jitqiesu l-ispeċjalizzazzjoni u l-esperjenza tagħhom u tiġi apprezzata l-ħidma importanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

25.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi u tappoġġja l-istrument tal-appoġġ baġitarju, li jikkontribwixxi għall-allinjament tal-pajjiżi msieħba b’konformità ma’ dak li jintqal fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi. Madankollu, jeħtieġ li d-djalogu jinkludi evalwazzjoni bir-reqqa tal-kundizzjonijiet tal-appoġġ baġitarju, inkluża l-possibbiltà li partijiet mill-appoġġ jiġu deċentralizzati. F’dan ir-rigward, ifakkar li waħda mir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mid-djalogu strutturat promoss mill-Kummissjoni tgħid li l-indikaturi relatati mal-governanza lokali għandhom jiġu inklużi fil-kundizzjonalitajiet kollha tas-sħubijiet li d-donaturi jistabbilixxu mal-gvernijiet nazzjonali;

Koerenza mtejba fost il-politiki tal-UE

26.

jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn titħares il-koerenza tal-politiki ta’ żvilupp u li tissokta l-evalwazzjoni tal-impatt tal-politiki tagħha fuq l-għanijiet tal-iżvilupp;

27.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-għajnuna umanitarja u mir-reazzjoni għall-kriżijiet sal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fit-tul;

Nappoġġjaw l-Aġenda għall-Bidla

28.

jappoġġja t-talba tal-Kummissjoni li l-Kunsill jadotta Aġenda għall-Bidla, u b’hekk l-UE jkollha politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp aktar effikaċi, b’impatt akbar u li tappoġġja l-bidliet meħtieġa fil-pajjiżi msieħba sabiex jitħaffef il-proċess tat-tnaqqis tal-faqar u tal-kisba tal-MDGs, liema proċess għandu jikkunsidra l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali.

Brussell, 16 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 312/2008 fin, “L-awtoritajiet lokali: atturi għall-iżvilupp”.

(2)  CdR 116/2010 fin, “Il-Pakkett tar-Rebbiegħa: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE biex jitwettqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju”.

(3)  CdR 408/2010 fin, “Politika tal-iżvilupp tal-UE għall-appoġġ ta’ tkabbir inklużiv u żvilupp sostenibbli – Żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE”.


18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/56


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Pakkett leġiżlattiv dwar id-drittijiet tal-vittmi”

2012/C 113/11

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jappoġġja l-idea li jittejbu l-qagħda u d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità. Dan huwa element importanti tal-implimentazzjoni tal-programm u l-pjan ta’ azzjoni ta’ Stokkolma għall-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, drittijiet u sigurtà fl-Ewropa, li huwa element prinċipali tal-integrazzjoni Ewropea u wieħed mill-għanijiet tal-UE;

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-awtoritajiet lokali u r-reġjuni jiġu involuti f’din l-inizjattiva. Għandhom rwol kruċjali x’jaqdu biex jipprovdu ħafna mis-servizzi u l-istrutturi għall-appoġġ tal-vittmi tal-kriminalità, u, inevitabbilment, l-istandards minimi komuni proposti fil-livell tal-UE ser ikomplu jkollhom impatt fuq il-livell lokali u reġjonali wara l-adozzjoni tal-pakkett tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi;

jenfasizza li l-pakkett leġislattiv dwar id-drittijiet tal-vittmi propost mill-Kummissjoni ser ikollu impatt sostanzjali fil-livell lokali u reġjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji tiegħu;

jemmen li huwa importanti li jinstabu soluzzjonijiet biex jiġu bbilanċjati d-drittijiet tal-vittmi filwaqt li tiġi garantita l-preżunzjoni tal-innoċenza fil-proċeduri kriminali kif ukoll id-drittijiet individwali tal-persuni suspettati u l-kriminali kkundannati;

jissuġġerixxi li l-UE taqdi rwol iżjed attiv biex tikkoordina l-kompiti fost l-Istati Membri.

Relatur

Is-Sur Bødker ANDERSEN (DK/PSE), Viċi Sindku u Kunsillier tal-Komun ta’ Kolding

Dokumenti ta’ referenza

 

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “It-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi fl-UE”

COM(2011) 274 final

 

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità

COM(2011) 275 final

 

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ protezzjoni fi kwistjonijiet ċivili

COM(2011) 276 final

I.   KONSIDERAZZJONIJIET POLITIĊI ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jappoġġja l-idea li jittejbu l-qagħda u d-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità. Dan huwa element importanti tal-implimentazzjoni tal-programm u l-pjan ta’ azzjoni ta’ Stokkolma għall-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, drittijiet u sigurtà fl-Ewropa, li huwa element prinċipali tal-integrazzjoni Ewropea u wieħed mill-għanijiet tal-UE b’konformità mal-Artikolu 3(2) tat-TUE. Il-proposti għal protezzjoni msaħħa jgħoddu l-iżjed għall-vittmi partikolarment vulnerabbli, l-iżjed it-tfal;

2.

f’dan il-kuntest, josserva li l-iżvilupp ta’ standards minimi komuni fiż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Unjoni Ewropea koeżiva, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw f’dawn il-politiki għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha;

3.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-awtoritajiet lokali u r-reġjuni jiġu involuti f’din l-inizjattiva. Għandhom rwol kruċjali x’jaqdu biex jipprovdu ħafna mis-servizzi u l-istrutturi għall-appoġġ tal-vittmi tal-kriminalità, u, inevitabbilment, l-istandards minimi komuni proposti fil-livell tal-UE ser ikomplu jkollhom impatt fuq il-livell lokali u reġjonali wara l-adozzjoni tal-pakkett tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi;

4.

huwa konvint mill-importanza ta’ livell għoli ta’ protezzjoni lill-vittmi bil-għan li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt globali tal-kriminalità, billi l-vittmi jiġu megħjuna jegħlbu l-impatt fiżiku u/jew psikoloġiku tal-kriminalità;

5.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-regoli dwar id-drittijiet tal-vittmi għandhom konsegwenzi differenti ta’ natura soċjali, kriminoloġika u saħansitra finanzjarja, u għal dawn għandhom jinstabu soluzzjonijiet bilanċjati. Bil-għan li titjieb il-qagħda tal-vittmi, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati għadd ta’ aspetti ekonomiċi, b’mod partikolari fil-livell lokali u reġjonali, flimkien ma’ aspetti marbuta maċ-ċertezza legali;

6.

ifakkar li r-regolazzjoni tad-drittijiet tal-vittmi jista’ jkollha konsegwenzi fuq l-istatus tal-persuni suspettati u dawk akkużati. Fil-fehma tal-Kumitat, jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet li jiddefendu l-ewwel u qabel kollox l-interessi tal-vittma, mingħajr madankollu ma jipperikolaw il-protezzjoni legali tal-persuni suspettati jew dawk akkużati. Ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem fil-konfront tal-persuni suspettati u dawk akkużati – anke f’każi ta’ reati serji ħafna – tirrappreżenta element ewlieni tal-istat tad-dritt, li huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-integrazzjoni Ewropea u prerekwiżit biex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli u sodi, anke għall-vittmi. Dan jinkludi l-preżunzjoni tal-innoċenza sakemm persuna tinstab ħatja skont il-liġi u d-dritt ta’ proċedura legali. Jekk ma jiġux protetti d-drittijiet tal-persuni suspettati jew dawk akkużati, il-ħolqien ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fi ħdan l-UE ikun impossibbli. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li anke r-rappreżentanti eletti fil-livell reġjonali u lokali huma fid-dmir jiggarantixxu dan il-bilanċ;

7.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-pakkett tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tal-vittmi huwa essenzjalment sensiela ta’ regoli minimi bil-għan li jkun hemm livell minimu ta’ drittijiet, iżda jħalli f’idejn kull Stat Membru individwali l-possibbiltà li jmur lil hinn minn dawn l-istandards. Il-Kumitat jixtieq ifakkar li dawn l-istandards tal-UE taħt l-ebda ċirkustanza ma għandhom idgħajfu d-drittijiet tal-vittmi fi kwalunkwe Stat Membru. Għandhom jinstabu soluzzjonijiet bilanċjati f’kull kuntest nazzjonali u reġjonali li jkun adattat għall-ispeċifiċitajiet, il-kulturi u t-tradizzjonijiet tal-pajjiżi individwali. Dan huwa konformi mal-Artikolu 82(2) tat-TFUE li jgħid li għandhom jiġu kkunsidrati d-differenzi bejn it-tradizzjonijiet u s-sistemi legali tal-Istati Membri, u jirrifletti l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità stipulati fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat tal-UE;

8.

itenni li l-bżonn ta’ soluzzjonijiet jinkludi l-ħtieġa li ssir distinzjoni f’dak li jirrigwarda l-appoġġ lill-vittmi u d-drittijiet proċedurali abbażi tal-gravità u l-importanza tal-problema li trid tissolva. Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi hija qasam vast ħafna li jiġbor fih tipi differenti ta’ kriminalità kif ukoll għadd ta’ miżuri differenti ta’ natura legali, soċjali, ekonomika, medika u psikoloġika. Bil-għan li jkun hemm relazzjoni raġonevoli bejn il-problema u s-soluzzjoni, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li jinstabu soluzzjonijiet adattati għall-ħtiġijiet differenti li jikkunsidraw b’mod konsistenti l-prinċipju tal-proporzjonalità.

II.   L-IMPORTANZA TAL-PAKKETT DWAR ID-DRITTIJIET TAL-VITTMI FIL-LIVELL LOKALI U REĠJONALI

9.

jenfasizza li l-pakkett leġislattiv dwar id-drittijiet tal-vittmi propost mill-Kummissjoni ser ikollu impatt sostanzjali fil-livell lokali u reġjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji tiegħu. Dan mhuwiex minnu biss għar-reġjuni tal-Istati Membri tal-UE bi struttura federali, iżda wkoll għal-livell lokali peress li f’ħafna każi, huma l-pulizija muniċipali u awtoritajiet muniċipali oħra li jkollhom l-ewwel kuntatt mal-vittmi tal-kriminalità. Barra minn hekk, sikwit huma l-awtoritajiet lokali li jkollhom jittrattaw vittmi partikolarment vulnerabbli, bħat-tfal, il-minuri u l-persuni b’diżabbiltà. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni josserva li għandhom jinstabu soluzzjonijiet finanzjarji adegwati fil-kuntesti nazzjonali differenti, biex jiġi żgurat li l-protezzjoni tal-vittmi tkun tista’ tittejjeb b’konformità mal-proposti, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom il-mezzi biex jissodisfaw dawn l-obbligi;

10.

jenfasizza l-importanza kruċjali li jsir sforz biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fuq kull naħa tal-fruntiera bil-għan li jtejbu l-protezzjoni tal-vittmi. Dawn l-iskemi ta’ kooperazzjoni, li fihom naturalment l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni, għandhom jissaħħu kemm vertikalment (relazzjonijiet bejn awtoritajiet lokali/reġjonali u awtoritajiet nazzjonali) kif ukoll orizzontalment (relazzjonijiet bejn awtoritajiet reġjonali/lokali differenti). Dawn l-istrutturi huma partikolarment importanti meta l-proċeduri legali jkollhom aspetti transkonfinali u l-vittma tkun residenti fi Stat Membru ieħor tal-UE.

F’dan il-kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni jiddispjaċih li d-dispożizzjonijiet għall-koordinazzjoni tal-ħidma fil-qasam tal-kooperazzjoni fl-Artikolu 25 tal-Proposta għal Direttiva ma ġewx modifikati mill-2001 ’l hawn u jindirizzaw biss lill-Istati Membri;

11.

huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali diġà għandhom esperjenzi u kompetenzi wiesgħa fil-qasam tal-appoġġ u l-għajnuna lill-vittmi tal-kriminalità. L-użu u l-iskambju ta’ dawn il-kompetenzi – anke fil-fażi leġislattiva – jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Kummissjoni u għalhekk għandhom ikunu appoġġjati;

III.   PROPOSTI KONKRETI

12.

jissuġġerixxi li jiġi ttrattat b’mod iżjed dirett ir-rwol tar-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet b’rabta mal-pakkett dwar id-drittijiet tal-vittmi. Jekk fil-fehma tal-leġislatur tal-UE, l-awtoritajiet lokali u reġjonali wkoll għandhom rwol importanti x’jaqdu, dan għandu jiġi indikat b’mod iżjed ċar, pereżempju fil-premessi tal-Proposta għal Direttiva. (ara emenda Nru 2);

13.

jitlob li ssir riflessjoni dwar kif il-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkontribwixxu – u/jew jekk jistgħux fil-fatt jikkontribwixxu – għat-titjib tal-appoġġ u l-għajnuna lill-vittmi tal-kriminalità. Taħt kull ċirkustanza, din il-ħidma għandha timxi id f’id ma’ enfasi ikbar fuq it-taħriġ tal-korp tal-pulizija, il-ħaddiema soċjali u gruppi professjonali oħra fil-livell lokali, li sikwit ikollhom l-ewwel kuntatt mal-vittmi;

14.

jemmen li huwa importanti li jinstabu soluzzjonijiet biex jiġu bbilanċjati d-drittijiet tal-vittmi filwaqt li tiġi garantita l-preżunzjoni tal-innoċenza fil-proċeduri kriminali kif ukoll id-drittijiet individwali tal-persuni suspettati u l-kriminali kkundannati. Għalhekk, jissuġġerixxi li dan l-aspett jissemma b’mod espliċitu fil-premessa 7 tal-Proposta għal Direttiva (ara l-emenda Nru 1);

15.

huwa tal-fehma li r-reġjuni u l-bliet kbar kif ukoll żgħar għandhom jiġu involuti fit-tiftix ta’ modi li permezz tagħhom titjieb il-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali minn pajjiżi differenti. Il-ħatra ta’ punti ta’ kuntatt għar-reġjuni u/jew muniċipalitajiet sabiex ikunu punti ta’ referenza għall-informazzjoni dwar l-attivitajiet rispettivi tal-korpi differenti hija kruċjali f’dan ir-rigward;

16.

jissuġġerixxi li l-UE taqdi rwol iżjed attiv biex tikkoordina l-kompiti fost l-Istati Membri – anke fil-livell lokali u reġjonali. Dan jista’ jsir, pereżempju, permezz tal-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE, li l-kompitu tiegħu jkun li jippromovi l-kooperazzjoni bejn awtoritajiet lokali mill-Istati Membri differenti, kemm permezz ta’ studji ġenerali, kif ukoll permezz tal-koordinazzjoni ta’ proċeduri konkreti, pereżempju billi jitħeġġu l-kuntatti bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti fi Stati Membri oħra. Din l-istruttura tista’ wkoll tkun inkarigata mill-ħolqien u l-ġestjoni ta’ bażi tad-data ta’ prattiki tajbin kif propost mill-KtR fl-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta’ azzjoni tal-programm ta’ Stokkolma (1);

17.

għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jkun hemm il-mezzi adatti biex il-vittmi nnifishom ikollhom aċċess għal tagħrif prattiku u appoġġ fil-livell tal-UE. Probabbilment, servizz telefoniku fil-livell tal-UE jista’ jgħin il-qagħda tal-vittmi ta’ atti kriminali li jkunu saru barra minn pajjiżhom, u mhux biss meta l-vittmi jkunu barra minn pajjiżhom u jkollhom bżonn kull xorta ta’ għajnuna u appoġġ, iżda anke meta jerġgħu lura f’pajjiżhom u jkunu f’kuntatt mal-awtoritajiet tal-pajjiż li fih ikun sar ir-reat;

18.

jixtieq jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-esperjenza vasta u l-kompetenzi speċifiċi tal-partijiet interessati privati u oħrajn f’dan il-qasam. Għalhekk, il-KtR jitlob li jiġu involuti mhux biss l-assoċjazzjonijiet privati differenti iżda wkoll il-persuni ġuridiċi u l-assoċjazzjonijiet nongovernattivi li jipprovdu għajnuna u protezzjoni lill-vittmi fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell reġjonali/lokali bil-għan li jtejbu s-sitwazzjoni tal-vittmi. Dan jista’ jseħħ pereżempju permezz ta’ ħidma ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE għall-valutazzjoni tal-esperjenza li fiha jieħdu sehem id-diversi partijiet interessati privati u oħrajn li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-kooperazzjoni;

19.

huwa tal-fehma li huwa partikolarment importanti li jiġi kkunsidrat il-bżonn ta’ appoġġ u għajnuna lit-tfal u lill-minuri f’każ ta’ reat. Fil-fehma tiegħu, il-ħtiġijiet minimi marbuta mal-għajnuna lit-tfal u lill-minuri li huma vittmi ta’ reat għandhom ikunu inklużi bl-inqas mod ambigwu possibbli fil-leġislazzjoni tal-UE u ma għandhomx jillimitaw ruħhom għal dikjarazzjonijiet ġeneriċi ta’ intenzjoni;

20.

jenfasizza li qed jiżviluppa l-għarfien kriminoloġiku u vittimoloġiku dwar it-tfal u l-minuri bħala vittmi tal-kriminalità u l-iskoperti ġodda għandhom jiġu kkunsidrati fit-tħejjija u l-aġġornament tal-leġislazzjoni tal-UE. B’mod partikolari, l-evidenza xjentifika tissuġġerixxi li jkun aħjar li jittieħed approċċ li jkun iżjed sensittiv għall-fażijiet differenti tal-iżvilupp tat-tfal u l-ħtiġijiet korrispondenti tagħhom milli dak magħżul mill-Kummissjoni Ewropea (2);

Soluzzjonijiet li huma adattati aħjar għall-età u t-tip ta’ reat jistgħu jwittu t-triq għall-adozzjoni ta’ regoli minimi iżjed stretti u mmirati għal kategoriji speċjali ta’ vittmi, pereżempju appoġġ speċjali għat-tfal żgħar jew għat-tfal u l-minuri li huma vittmi ta’ reati partikolarment serji;

21.

josserva li d-definizzjoni ta’ vittmi fl-Artikolu 2 tal-Proposta għal Direttiva hija wiesgħa ħafna. Kwalunkwe persuna fiżika li tkun ġarrbet kwalunkwe reat – anke reati żgħar – hija kkunsidrata vittma skont id-direttiva. Din id-definizzjoni wiesgħa tagħti saħansitra lill-vittmi ta’ reati żgħar aċċess għal firxa sħiħa ta’ drittijiet proċedurali stabbiliti fid-direttiva. Dan jista’ jiswa ħafna flus u hemm dubju kemm regola daqstant inklużiva tirrappreżenta soluzzjoni bilanċjata u adattata għas-sitwazzjoni tal-vittmi;

22.

f’dan il-kuntest ifakkar li kien hemm oqsma oħra ta’ leġislazzjoni Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni fejn l-applikazzjoni prattika tal-istrumenti għall-kooperazzjoni komprensiva wriet li ġiet tiswa ħafna iżjed milli oriġinarjament previst minħabba nuqqas ta’ kriterji sodi għad-divrenzjar pereżempju, fl-iżjed valutazzjonijiet reċenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew, il-Kummissjoni widdbet kontra l-użu ta’ dan il-mandat ta’ arrest f’każi ta’ reati żgħar minħabba li l-istrument intuża wisq minn xi wħud mill-Istati Membri;

23.

għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra approċċ iżjed divrenzjat adattat għall-problemi inkwistjoni u jitlob li jkun hemm limiti adatti fuq id-drittijiet tal-vittmi biex tiġi żgurata l-proporzjonalità bejn id-drittijiet tal-vittmi u l-gravità tar-reat. Għalhekk, il-KtR jissuġġerixxi li jiġi inkluż prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità fid-direttiva biex jiġi żgurat li l-vittmi ta’ reati żgħar jiġu esklużi minn ċerti partijiet tad-direttiva.

IV.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali – – u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Raġuni

Il-preżunzjoni tal-innoċenza u r-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd huma kisbiet ewlenin tal-istat tad-dritt Ewropew u għalhekk għandhom ikunu espliċiti fil-kuntest tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi.

Emenda 2

Premessa ġdida 24a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Raġuni

Ir-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kemm bħala fornituri tas-servizzi u bħala mezzi ta’ informazzjoni għandu jiġi rikonoxxut b’mod espliċitu fil-premessi tal-Proposta għal Direttiva.

Emenda 3

Premessa ġdida 25a

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

 

Raġuni

Kien hemm oqsma ta’ leġislazzjoni Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni fejn l-applikazzjoni prattika tal-istrumenti għall-kooperazzjoni komprensiva wriet li ġiet tiswa ħafna iżjed milli oriġinarjament previst. Id-definizzjoni wiesgħa ta’ “vittmi” fil-Proposta għal Direttiva tagħti saħansitra lill-vittmi ta’ reati żgħar aċċess għal firxa sħiħa ta’ drittijiet proċedurali stabbiliti fid-direttiva. Hemm dubju kemm regola daqshekk wiesgħa tirrappreżenta soluzzjoni bilanċjata u adattata għas-sitwazzjoni tal-vittmi.

Emenda 4

Artikolu 25

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi u l-koordinazzjoni tagħhom

1.   L-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jiffaċilitaw il-protezzjoni iktar effettiva tad-drittijiet u tal-interessi tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, kemm jekk f’forma ta’ netwerks konnessi direttament mas-sistema ġudizzjarja jew permezz ta’ konnessjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet li jipprovdu appoġġ għall-vittmi, inkluż ukoll permezz tal-appoġġ tan-netwerks Ewropej li jittrattaw il-kwistjonijiet marbuta mal-vittmi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet li jaħdmu mal-vittmi jew li jipprovdulhom appoġġ jaħdmu flimkien biex tiġi żgurata rispons koordinat għall-vittmi u biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun, l-impatt negattiv tal-kriminalità, ir-riskji ta’ vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta u l-piż fuq il-vittma minħabba l-interazzjoni tagħha mal-aġenziji ta’ ġustizzja kriminali.

Il-kooperazzjoni bejn is-servizzi u l-koordinazzjoni tagħhom

1.   L-Istati Membri , għandhom jikkooperaw biex jiffaċilitaw il-protezzjoni iktar effettiva tad-drittijiet u tal-interessi tal-vittmi fil-proċeduri kriminali, kemm jekk f’forma ta’ netwerks konnessi direttament mas-sistema ġudizzjarja jew permezz ta' konnessjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet li jipprovdu appoġġ għall-vittmi, inkluż ukoll permezz tal-appoġġ tan-netwerks Ewropej li jittrattaw il-kwistjonijiet marbuta mal-vittmi.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk l-awtoritajiet li jaħdmu mal-vittmi jew li jipprovdulhom appoġġ jaħdmu flimkien biex tiġi żgurata rispons koordinat għall-vittmi u biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun, l-impatt negattiv tal-kriminalità, ir-riskji ta’ vittimizzazzjoni sekondarja u ripetuta u l-piż fuq il-vittma minħabba l-interazzjoni tagħha mal-aġenziji ta’ ġustizzja kriminali.

Raġuni

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti biex jiffaċilitaw id-drittijiet tal-vittmi. Għalhekk, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet differenti għandha tissaħħaħ kemm vertikalment (relazzjonijiet bejn awtoritajiet lokali/reġjonali u awtoritajiet nazzjonali) kif ukoll orizzontalment (relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet reġjonali/lokali differenti). Dawn l-istrutturi huma partikolarment importanti meta l-proċeduri legali jkollhom aspetti transkonfinali u l-vittma tkun residenti fi Stat Membru ieħor tal-UE.

Brussell, 16 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-kisba ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini tal-Ewropa – Pjan ta’ azzjoni li jimplimenta l-programm ta’ Stokkolma “, is-87 sessjoni plenarja tal-KtR, 1 u 2 ta’ Diċembru 2010, relatur: is-Sur Holger Poppenhäger (DE/PSE), Ministru tal-Ġustizzja tal-Freistaat Thüringen.

(2)  Ara “Protecting children and preventing their victimization From policy to action, From drafting legislation to Practical Implementation” Dr. Ezzat A. Fattah Professur Emeritus, Skola tal-Kriminoloġija, Simon Fraser University, Burnaby, il-Kanada. Diskors prinċipali fil-konferenza organizzata mill-Presidenza Svediża tal-Unjoni Ewropea dwar it-tfal bħala vittmi fil-proċeduri tal-ġustizzja kriminali “Children in the Union - Rights and Empowerment” (It-tfal fl-Unjoni – Drittijiet u Awtonomija”), CURE, Hotel Sheraton, Stokkolma, l-Isvezja, Diċembru 3-4, 2009.


18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/62


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-iżvilupp ta’ kultura Ewropea ta’ governanza f’diversi livelli: Segwitu tal-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni”

2012/C 113/12

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jemmen fil-ħtieġa għal metodu komunitarju mġedded permezz ta’ proċess aktar inklużiv u l-implimentazzjoni fil-prattika ta’ governanza f’diversi livelli;

jifraħ bil-kunsens li ntwera għall-idea tiegħu ta’ governanza Ewropea u tal-appoġġ tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-inizjattiva tiegħu;

ħa l-inizjattiva li jwaqqaf “Tabella ta’ valutazzjoni tal-governanza f’diversi livelli fil-livell tal-Unjoni Ewropea”, li fuq bażi annwali ser tgħin biex jitkejjel sa liema punt ikunu tqiesu l-prinċipji u l-mekkaniżmi ewlenin ta’ dan it-tip ta’ governanza fiċ-ċiklu politiku tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li ssir enfasi fuq id-dimensjoni reġjonali u lokali tal-politiki u l-istrateġiji analizzati;

iqis li sabiex tissaħħaħ l-azzjoni ta’ monitoraġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni, il-prattika tal-governanza f’diversi livelli tista’ tiġi enfasizzata b’mod partikolari fil-konferenza li jmiss dwar is-sussidjarjetà;

matul ix-xhur li ġejjin ser ifassal il-Karta tal-Unjoni Ewropea dwar il-Governanza f’Diversi Livelli tiegħu, li għandha twassal għal parteċipazzjoni akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-eżerċizzju tad-demokrazija Ewropea. Dan il-proċess ta’ abbozzar ser ikun wieħed parteċipattiv u inklużiv, u għandu jippromovi l-kunċett ta’ sjieda min-naħa tar-rappreżentanti eletti lokali u reġjonali;

Relatur

Is-Sur VAN DEN BRANDE (BE/PPE), President tal-Uffiċċju ta’ Kooperazzjoni Fjandri-Ewropa

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jikkonferma l-impenn politiku li ħa bil-White Paper tiegħu dwar il-governanza f’diversi livelli adottata fis-17 ta’ Ġunju 2009 (1) u, wara li ppropona proġett politiku sabiex “Nibnu l-Ewropa flimkien”, beħsiebu jiżgura t-twettiq ta’ dan l-għan billi jiġġieled kontra kwalunkwe oppożizzjoni għaliex l-għan iservi l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea (2);

A.    Prinċipji ġenerali tal-governanza f’diversi livelli

2.

iqis il-governanza f’diversi livelli bħala prinċipju li jikkonsisti f’azzjoni kkoordinata tal-Unjoni, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bbażata fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u fuq is-sħubija li fil-prattika tissarraf f’kooperazzjoni funzjonali u istituzzjonali bil-għan li jitfasslu u jitwettqu l-politiki tal-Unjoni Ewropea;

3.

għalhekk ifakkar fil-ħtieġa għal metodu komunitarju mġedded permezz ta’ proċess aktar inklużiv u l-implimentazzjoni ta’ governanza f’diversi livelli, li għandu jsaħħaħ l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni Ewropea, billi jintroduċi kultura ġdida ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali u politika favur il-parteċipazzjoni fil-proċess Ewropew tar-rappreżentanti eletti fil-livelli kollha u fi kwalunkwe każ ta’ dawk li jiġu minn reġjuni b’setgħat leġislattivi;

4.

jifraħ bil-kunsens li ntwera għall-idea tiegħu ta’ governanza Ewropea u tal-appoġġ tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-inizjattiva tiegħu, u jinsab konvint li t-twettiq ta’ kultura ġenwina ta’ governanza f’diversi livelli fl-Ewropa jiddependi minn dawn it-tliet fatturi:

it-tisħiħ tal-elementi bażiċi u l-prinċipji implikati f’dan il-metodu ta’ governanza fil-qafas istituzzjonali u politiku Ewropew u nazzjonali;

l-implimentazzjoni tal-governanza f’diversi livelli permezz ta’ mekkaniżmi u strumenti rilevanti;

l-iżgurar tal-kundizzjonijiet neċessarji sabiex il-livelli differenti ta’ governanza, u b’mod speċjali l-awtoritajiet lokali u reġjonali, ikunu indipendenti finanzjarjament u jiġbru r-riżorsi flimkien b’mod tajjeb bis-saħħa ta’ sistema aħjar ta’ sussidjar reċiproku fil-fondi pubbliċi;

5.

ifakkar li t-Trattat ta’ Lisbona bla dubju integra l-governanza f’diversi livelli fil-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, speċjalment billi saħħaħ l-istatut tagħha fl-arkitettura istituzzjonali u billi naqqax fih l-għan tal-koeżjoni territorjali u d-dimensjoni sottonazzjonali tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

6.

għalhekk iqis li l-aħjar mod biex tingħata prijorità lill-interess ġenerali Ewropew, lil dak tal-Istati Membri kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkonsisti f’li llum il-ġurnata l-prinċipju tas-sussidjarjetà jitqies bħala l-korollarju tal-valur miżjud Ewropew u f’li l-governanza f’diversi livelli titqies bħala metodu flessibbli u parteċipattiv ta’ governanza li jinsab fil-qalba tal-valuri tal-Unjoni Ewropea u tal-etika tagħha ta’ responsabbiltà u solidarjetà biex jiġu indirizzati r-realtajiet ta’ dinja globalizzata li qed issir dejjem aktar interdipendenti u kompetittiva;

7.

iqis li kull riflessjoni dwar il-governanza Ewropea tagħmilha possibbli li l-kwistjoni essenzjali tar-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà jerġa’ jitqiegħed fil-kuntest ta’ proċess politiku u leġislattiv dinamiku u jinsisti fuq il-fatt li l-prinċipju tas-sussidjarjetà u dak tal-governanza f’diversi livelli huma inseparabbli: wieħed huwa konness mal-kompetenzi tal-livelli differenti ta’ poter u l-ieħor jenfasizza l-interazzjoni ta’ bejniethom;

8.

huwa tal-fehma li l-fatt li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jitqiegħdu fil-kuntest tal-governanza f’diversi livelli jwassal biex tingħaraf il-ħtieġa li l-azzjoni politika Ewropea tkun aktar trasversali u anqas settorjali: is-suċċess tal-istrateġiji globali li jinsabu fil-qalba tal-aġenda Ewropea tal-lum qed jiddependi dejjem aktar mill-kwalità tal-governanza kondiviża fl-Ewropa u mir-rispett b’mod strett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u dan jevita li d-deċiżjonijiet jittieħdu biss f’livell wieħed ta’ poter u jiggarantixxi li l-politiki jitfasslu u jiġu applikati fl-aktar livell adatt;

9.

idaħħal il-proposti tiegħu fil-kuntest attwali tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea li jappella għal sforz ikbar ta’ responsabbiltà u solidarjetà mill-politiċi responsabbli Ewropej, nazzjonali u reġjonali fl-ispirtu tal-prinċipju tar-reċiproċità  (3);

B.    Konsolidazzjoni tal-valuri u l-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli: Progress u Tisħiħ

Lejn fehim ġdid tal-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali

10.

jenfassizza li l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali  (4), li huwa fil-qalba tal-istruttura tal-Unjoni Ewropea, huwa garanzija fundamentali tad-demokrazija Ewropea, u jqis li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jagħtih statut istituzzjonali u legali msaħħaħ fir-rigward tad-difiża tal-prerogattivi tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jimplika r-rispett sħiħ ta’ dan il-prinċipju fir-rigward tiegħu;

11.

iqis li t-tfassil ta’ Karta tal-Unjoni Ewropea dwar il-governanza f’diversi livelli, li ser tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ fehim komuni u kondiviż tal-governanza Ewropea fil-valuri bażiċi tal-Unjoni, ser jirrappreżenta fażi essenzjali tal-konkretizzazzjoni tal-proġett politiku tagħha;

12.

jinnota li ma teżistix leġislazzjoni amministrattiva Ewropea koerenti li tiggarantixxi għadd ta’ regoli minimi għall-applikazzjoni ta’ proċeduri ta’ konsultazzjoni, koordinazzjoni u parteċipazzjoni min-naħa tar-reġjuni u l-bliet, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippjana bil-quddiem it-tfassil ta’ Att dwar il-proċeduri amministrattivi Ewropej li jagħmel traspożizzjoni tal-valuri u l-prinċipji ċentrali ta’ din il-Karta futura fi proċeduri aktar parteċipattivi;

13.

iqis li r-reviżjoni tal-ftehim ta’ kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea li qed tiġi nnegozjata għandha tqis aktar il-leġittimità u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-funzjonament tal-Unjoni Ewropea u sabiex, fl-interess ġenerali tal-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet kollu kemm hu, jiġi ggarantit ir-rispett ta’ dawn iż-żewġ prinċipji li jiggwidaw l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, kif ukoll it-tennija tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli bħala prinċipju gwida;

14.

huwa tal-fehma li din ir-reviżjoni għandha tiġi akkumpanjata minn proċess dinamiku li għandu jwassal biex flimkien mal-Kummissjoni Ewropea jiġi adottat Pjan ta’ Azzjoni kontinwu li jidentifika l-aktar inizjattivi li jista’ jkollhom impatt territorjali u l-analiżi kemm ex ante kif ukoll ex post, li l-KtR ikun jista’ jwettaq billi jimmobilizza l-għarfien espert tal-membri tiegħu u l-pjattaformi tal-awtoritajiet territorjali li fihom jipparteċipa (pjattaforma Ewropa 2020, pjattaforma tas-sussidjarjetà, pjattaforma REKT) (5);

15.

jistieden lill-Parlament Ewropew jintensifika l-involviment istituzzjonali tiegħu fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-prinċipji u l-mekkaniżmi tal-governanza f’diversi livelli u tal-approċċ integrat, u jappoġġja l-proposta tiegħu għall-ħolqien ta’ tikketta Ewropea għall-governanza f’diversi livelli (6);

16.

ifaħħar l-inizjattiva tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li, f’Marzu 2010 (7), laqqa’ għall-ewwel darba laqgħa ministerjali informali dwar il-governanza f’diversi livelli li l-konklużjonijiet tiegħu jistiednu b’mod espliċitu lill-Kumitat tar-Reġjuni “sabiex jiffaċilita valutazzjoni politika kontinwa tal-progress tal-governanza f’diversi livelli fil-qafas tal-Unjoni Ewropea” u jitlob lill-presidenzi futuri jkomplu fuq dan il-pass. Huwa jinnota wkoll li l-preżenza aktar sistematika tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-Kunsilli u l-laqgħat intergovernattivi turi l-iżvilupp tal-kunsiderazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ governanza;

17.

jilqa’ l-prospetti ta’ ftehim mal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u tal-fehim tagħha tal-impatt tad-deċiżjonijiet strateġiċi meħuda fil-livell tal-kapijiet ta’ Stat u ta’ gvern dwar l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jqis li f’dan il-kuntest għandha tiġi organizzata laqgħa qabel kull Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa;

18.

beħsiebu jistabbilixxi djalogu aktar regolari mal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u l-għan tal-koeżjoni territorjali fir-rigward tat-traspożizzjoni tajba tal-liġijiet Ewropej u l-impatt tagħhom fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll dwar ir-rispett tal-erba’ libertajiet, u flimkien mal-Qorti tal-Awdituri dwar il-governanza tajba tal-fondi Ewropej u l-impatt tal-ġestjoni tagħhom fuq il-koeżjoni territorjali u l-kompetittività tal-bliet u r-reġjuni;

Approċċ ta’ sħubija għal regolamentazzjoni intelliġenti

19.

jaqbel mal-approċċ rakkomandat ġdid bil-kunċett ta’ regolamentazzjoni intelliġenti bbażat fuq ċiklu politiku tal-Unjoni Ewropea li matulu l-leġislazzjoni tiġi adattata b’mod permanenti għall-isfidi u ċ-ċirkostanzi u fejn issir valutazzjoni fil-fond tat-twettiq tagħha, iżda jemmen li għandu jitqies aktar l-impatt territorjali tagħha (8);

20.

itenni t-talba tiegħu biex ir-reviżjoni li jmiss tal-ftehim interistituzzjonali “Tfassil aħjar tal-liġijiet” tinkludi protokoll speċifiku li jkopri ċerti dispożizzjonijiet li fihom ikun involut b’mod sħiħ, l-aktar dawk li b’mod partikolari huma marbuta mal-analiżijiet tal-impatt u l-valutazzjoni ex post tal-leġislazzjoni;

21.

beħsiebu jżid l-involviment tiegħu fil-proċess ta’ monitoraġġ tal-pjan ta’ azzjoni “Tfassil aħjar tal-liġijiet”, speċjalment billi jiżgura li r-rapport annwali tiegħu dwar il-monitoraġġ tas-sussidjarjetà jiġi kkunsidrat bħala kontribut rikonoxxut għar-rapport annwali tal-Kummissjoni “Tfassil aħjar tal-liġijiet”;

22.

jappella għal reviżjoni tal-linji gwida għall-analiżijiet tal-impatt proposti mill-Kummissjoni li għandhom jiffaċilitaw it-tfassil tal-valutazzjoni tal-impatt territorjali ex ante u ex post u l-iżvilupp ta’ indikaturi territorjali u ta’ governanza inklużiva. Il-Kumitat ser jippreżenta xi proposti speċifiċi f’dan ir-rigward ibbażati fuq l-esperjenza li nkisbet mill-kooperazzjoni li għaddejja diġà mal-Kummissjoni Ewropea;

23.

jappoġġja bis-sħiħ l-għan importanti tal-ħidma tal-grupp ta’ livell għoli dwar it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi (Grupp Stoiber) u jenfasizza l-impenn tiegħu fi ħdan dan il-grupp biex jitħaffef il-piż li jagħfas fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

24.

jiddispjaċih li hemm nuqqas ta’ involviment mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-eżerċizzju ta’ komitoloġija u jistieden immedjatament lill-Kummissjoni Ewropea biex tirranġa dan in-nuqqas li jhedded l-applikazzjoni tajba tal-leġislazzjoni Ewropea fil-livell lokali u reġjonali;

Tweġiba biex tiżdied l-adeżjoni taċ-ċittadini fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea

25.

jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Riflessjoni li ġie inkarigat mill-Kunsill Ewropew biex jgħin lill-Unjoni Ewropea tantiċipa u tiffaċċja b’mod aktar effikaċi l-isfidi fit-tul għall-2020-2030, u billi jipproponi patt ġdid, jagħraf il-validità tal-“governanza fuq diversi livelli fejn il-kompetenzi huma kondiviżi” u li “tista’ u għandha tinforma t-tfassil tal-linji politiċi u r-relazzjonijiet tal-UE fil-livelli kollha, bejn l-individwi u l-ġenerazzjonijiet u bejn il-lokalitajiet, ir-reġjuni u l-Istati Membri”, u jilqa’ bi pjaċir ir-rakkomandazzjoni tal-grupp ta’ riflessjoni biex tiżdied il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-Kumitat sabiex tissaħħaħ iċ-ċittadinanza politika u b’hekk tiġi ffaċilitata l-adeżjoni taċ-ċittadini għall-proġett Ewropew (9);

26.

jemmen li għandha ssir valutazzjoni annwali tas-sitwazzjoni attwali tar-reġjonalizzazzjoni u d-deċentralizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea sabiex isservi ta’ barometru tad-dinamika tal-awtonomija politika, ġuridika u fiskali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. B’mod partikolari dan il-pass imur tajjeb mal-impenn tal-Kumitat fir-rigward tal-monitoraġġ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u għandu jidħol fil-qafas ta’ kooperazzjoni fil-fond mal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa;

27.

huwa favur it-twaqqif ta’ Erasmus għar-rappreżentanti eletti lokali u reġjonali fil-qafas ta’ kooperazzjoni istituzzjonali mal-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea u jilqa’ b’sodisfazzjon il-finanzjament għal proġett pilota kif propost mill-Parlament Ewropew;

28.

jenfasizza l-kontribut li beħsiebu jagħti fl-implimentazzjoni ta’ strument ġdid ta’ demokrazija diretta, l-inizjattivi taċ-ċittadini tal-UE, u b’mod partikolari joffri li juża l-kanali u n-netwerks ta’ informazzjoni tiegħu u tal-membri tiegħu sabiex iżid is-sensibilizzazzjoni dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini u biex jappoġġja lill-Kummissjoni b’mod li jitqies utli, pereżempju matul il-proċess ta’ “valutazzjoni ex ante” ta’ kemm huma aċċettabbli l-inizjattivi proposti f’dak li hu l-impatt tagħhom fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; barra minn hekk, jista’ jkun utli għall-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni dwar Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ippjanati jew li għaddejjin bħalissa u għall-organizzazzjoni ta’ dibattiti parteċipattivi kemm fi Brussell kif ukoll postijiet oħra (10); fl-aħħar nett, jixtieq ikun involut bis-sħiħ, u joffri l-appoġġ tiegħu għas-seduti li se jiġu organizzati mill-Parlament Ewropew bħala reazzjoni għall-inizjattivi taċ-ċittadini li jirnexxu;

29.

jappella għat-twaqqif ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni sabiex tmexxi dan il-proċess ’il quddiem bl-istess mod bħal istituzzjonijiet oħrajn; dan l-istrument għandu jiġi promoss fi sħubija billi jitħeġġu b’mod partikolari d-dibattiti fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-parlamenti reġjonali u billi jiġu mobilizzati l-mezzi tax-xandir lokali u reġjonali;

30.

iqis li l-inklużjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fil-leġislazzjoni primarja tal-Unjoni Ewropea u l-possibbiltà li l-Unjoni Ewropea tissieħeb fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għandhom irawmu protezzjoni f’diversi livelli tad-drittijiet fundamentali; għalhekk, jitlob li jiġi involut fid-djalogu interistituzzjonali li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jixtieq jara fir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni tal-Karta, liema rapport jikkunsidra li l-applikazzjoni effettiva tal-Karta għandha tkun ibbażata fuq l-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji kollha tal-UE (11);

31.

beħsiebu jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali permezz ta’ djalogu annwali dwar il-ħarsien u l-promozzjoni f’diversi livelli tad-drittijiet fundamentali, u ser jieħu inizjattivi ġodda fid-dawl tal-Sena Ewropea taċ-Ċittadini fl-2013;

32.

jappella biex jitwettqu azzjonijiet ta’ komunikazzjoni deċentralizzata fil-muniċipalitajiet u r-reġjuni Ewropej dwar l-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħhom fuq iċ-ċittadini u jenfasizza l-bżonn urġenti li jingħataw mezzi finanzjarji suffiċjenti għall-appoġġ tal-azzjonijiet tiegħu fost il-mezzi tax-xandir lokali u reġjonali li għandhom udjenza wiesgħa fost iċ-ċittadini;

C.    It-traspożizzjoni tal-governanza f’diversi livelli fl-istrateġiji u l-politiki tal-unjoni ewropea

Il-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli bħala prinċipju ewlieni għall-politiki u l-istrateġiji Ewropej kollha li għandhom impatt territorjali qawwi

33.

jemmen li l-istruttura proposta għall-governanza tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll dik li ser ikollha tmexxi r-riforma tal-politika ta’ koeżjoni għandhom jiggarantixxu żewġ bidliet fil-mudell:

il-governanza f’diversi livelli għandha tiġi integrata kompletament fid-dispożizzjonijiet leġislattivi u regolatorji tal-politiki li għandhom impatt territorjali qawwi u bħala prijorità għall-politika futura ta’ koeżjoni;

il-prinċipju tas-sħubija f’diversi livelli u b’diversi atturi għandu jissaħħaħ fl-implimentazzjoni tagħha;

Qafas ġdid ta’ governanza għat-tkabbir Ewropew

34.

jinnota li fil-kuntest ta’ kriżi baġitarja li l-Ewropa qed tiffaċċja bħalissa u li l-effetti ekonomiċi u soċjali tagħha huma fil-qalba tat-tħassib taċ-ċittadini, il-kwistjoni tal-valur miżjud tal-Unjoni Ewropea u l-mezzi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tegħleb il-kriżi hija partikolarment kruċjali;

35.

jappoġġja l-approċċ konvenzjonali, li huwa għandu jkun assoċjat miegħu, propost mill-Parlament Ewropew u implimentat mill-Presidenza Pollakka sabiex jiġu definiti fi sħubija l-prijoritajiet politiċi tal-infiq tal-Unjoni Ewropea u l-finanzjament tagħhom għall-perjodu 2014-2020;

36.

jixtieq jiġi involut f’dan il-proċess minħabba l-kontribut kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jirrappreżentaw 16 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea u 58 % tal-investimenti pubbliċi fl-Ewropa, fl-irkupru ekonomiku tal-Unjoni (12);

37.

f’dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni preokkupanti tal-finanzi pubbliċi għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li qed ittellef ir-rilanċ tal-ekonomija Ewropea u li qed thedded is-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020. Għaldaqstant, huwa jemmen li għandu jitwettaq eżerċizzju ta’ rendikont fir-rigward tal-finanzi pubbliċi lokali u reġjonali fil-kuntest tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss;

It-twettiq tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u s-seba’ inizjattivi ewlenin tagħha fi sħubija permezz tat-twaqqif ta’ patti territorjali

38.

jinnota li l-istituzzjonijiet Ewropej kollha jagħrfu b’mod ċar il-ħtieġa li titwaqqaf governanza f’diversi livelli biex jitwettqu l-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 u s-seba’ inizjattivi ewlenin tagħha;

39.

b’mod partikolari jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Ewropew, li fil-konklużjonijiet tiegħu tal-25 ta’ Marzu 2011 (13) għaraf li l-adeżjoni għall-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 fid-dawl tal-implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew tirrikjedi li jiġu involuti mill-qrib il-Kumitat tar-Reġjuni, fost atturi politiċi u ekonomiċi ewlenin oħrajn, u r-reġjuni;

40.

jinsab kuntent li f’ċerti Stati Membri, il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma jqisu aktar il-potenzjal tas-sħubija bejn il-livelli differenti ta’ gvern; madankollu jiddeplora l-assenza ovvja ta’ mekkaniżmi u proċeduri kredibbli għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ governanza f’diversi livelli sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni effettiva tal-politiki u s-sinkronizzazzjoni tal-iskedi u l-baġits ta’ livelli differenti ta’ gvern b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

41.

għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvolvu b’mod sħiħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kemm fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma kif ukoll fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza, għax l-għanijiet globali tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-kontributi mħabbra fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma jistgħu jitqarrbu biss permezz tas-sħubija bejn il-livelli differenti ta’ gvern (14);

42.

barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea issaħħaħ il-monitoraġġ tad-dimensjoni “Governanza” fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u r-rapporti ta’ progress annwali tal-Istati Membri sabiex il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ikun fil-pożizzjoni li jadotta rakkomandazzjonijiet espliċiti biex iħeġġeġ lill-Istati Membri jestendu u jsaħħu s-sħubijiet bejn il-livelli differenti tal-gvern fl-implimentazzjoni tal-PNR;

43.

itenni l-objettiv tal-ikkuntrattar f’diversi livelli li għandu jakkumpanja l-implimentazzjoni tas-seba’ inizjattivi u t-twaqqif ta’ mekkaniżmi innovattivi (15) bħalma huma l-aġendi diġitali lokali u l-i“stakeholder arrangements” proposti fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (DAE) (16), il-“Pjattaforma ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti”, imnedija mill-Kummissjoni Ewropea, u t-twettiq tal-għanijiet tal-inizjattivi ewlenin “Żgħażagħ Mobbli” u “Unjoni ta’ Innovazzjoni” billi tissaħħaħ il-koerenza bejn l-atturi u l-istrateġiji kollha fil-livelli kollha (17);

44.

jiddispjaċih li ma kienx hemm involviment dirett tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-fażijiet kollha tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni sabiex tiġi implimentata l-Istrateġija Ewropa 2020 u jinsisti bis-sħiħ favur l-integrazzjoni tagħhom f’dan il-proċess;

45.

ifakkar fil-valur miżjud ta’ approċċ integrat, b’mod partikolari biex, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, ikun hemm tisħiħ tas-sinerġiji bejn l-Istrateġija tal-UE għal Żvilupp Sostenibbli u l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-użu tal-fondi strutturali għall-investimenti tal-enerġija; kif ukoll fl-integrazzjoni tal-objettiv li jittaffew l-effetti tat-tibdil fil-klima u li dawn il-bidliet jiġu inkorporati fl-oqfsa strateġiċi eżistenti kollha tal-UE, b’mod partikolari l-politika agrikola u tal-iżvilupp rurali;

Mudell ġdid għall-politika ta’ koeżjoni futura

46.

ifakkar li r-riżultati tal-konsultazzjoni dwar il-ħames rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni jikkonfermaw il-fehma tiegħu, kif ukoll dik tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha, li għandu jissaħħaħ il-prinċipju tas-sħubija, approċċ ikkonfermat mill-Kunsill, li jirrikonoxxi l-importanza tal-governanza f’diversi livelli għat-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 permezz tal-politika l-ġdida ta’ koeżjoni (18);

47.

jinnota b’sodisfazzjon li l-“Aġenda Territorjali 2020”, li ġiet adottata mill-Kunsill f’Mejju 2011, tirrakkomanda l-użu tal-governanza f’diversi livelli għat-twettiq tal-koeżjoni territorjali, filwaqt li, b’mod partikolari, tistieden lill-Kummissjoni Ewropea tqis id-dimensjoni territorjali fil-valutazzjonijiet tal-impatt li twettaq u tistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni jagħti kontribut lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

48.

fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2013, il-Kumitat jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni wieġbet għall-istennijiet tiegħu billi inkludiet ċerti prinċipji u mekkaniżmi tal-governanza f’diversi livelli u tal-approċċ integrat u multifunzjonali  (19) fl-abbozz tagħha għar-Regolament ġenerali l-ġdid dwar il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni, fosthom it-talbiet biex:

fl-artikolu l-ġdid tiġi integrata referenza speċifika dwar is-sħubija u l-governanza f’diversi livelli li jikkostitwixxu żewġ prinċipji li jridu jiġu rispettati fil-fażijiet differenti kollha tat-twettiq tal-kuntratti ta’ sħubija u tal-programmi operattivi;

dawn il-prinċipji ġenerali jiġu riflessi fl-artikoli l-oħra pertinenti tar-regolament dwar il-kuntratti ta’ sħubija u l-programmi operattivi;

tiġi introdotta talba għall-attenzjoni tal-Istati Membri biex fir-rapport annwali tagħhom jinkludu rendikont tal-progress miksub fil-qasam tar-rispett tal-prinċipji ta’ sħubija u ta’ governanza f’diversi livelli;

tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu żviluppati programmi operattivi funzjonali.

49.

jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li jinħoloq qafas strateġiku komuni li jħallat il-punti differenti ta’ azzjoni Komunitarja favur l-iżvilupp territorjali (FAEŻR, Fondi Strutturali: FEŻR u FSE, Fondi ta’ Koeżjoni u FES); u jitlob li anke f’dan il-kuntest l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti b’mod prattiku fit-tfassil tal-kuntratti ta’ sħubija;

50.

għaldaqstant, jitlob lil-leġislaturi Ewropej jikkonfermaw dawn id-dispożizzjonijiet u jsaħħuhom b’mod partikolari permezz ta’:

il-preżenza ta’ rappreżentanti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-delegazzjoni tal-Istati Membri waqt in-negozjati dwar il-kontenut tal-kuntratt ta’ sħubija mal-Kummissjoni Ewropea;

tisħiħ qawwi tal-prinċipji ta’ sħubija u ta’ governanza f’diversi livelli fil-Kodiċi Ewropew futur dwar l-għanijiet u l-kriterji ta’ dawn il-prinċipji;

djalogu bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-dimensjoni tal-governanza tar-rapport annwali tagħhom sabiex jiġu evalwati l-progress u l-ostakli li nstabu f’kull Stat Membru qabel l-adozzjoni mill-Kunsill tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

il-ħolqien eventwali ta’ indiċi ta’ kooperazzjoni biex jitkejjel il-livell ta’ governanza parteċipattiva fi ħdan l-Istati Membri;

51.

iqis il-kooperazzjoni territorjali bħala parti integrali tal-politika reġjonali, fejn ir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali jaġixxi bħala laboratorju ġenwin għall-governanza f’diversi livelli (20);

52.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-proposta għal reviżjoni tar-Regolament REKT, ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2011, tagħti xhieda tar-rieda li jiġi implimentat l-objettiv tal-koeżjoni territorjali u tinkludi għadd ta’ proposti mfassla minn qabel mill-KtR, b’mod partikolari fir-rigward tat-twaqqif ta’ REKT bilaterali flimkien ma’ korpi ta’ pajjiżi terz (21); jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal tar-REKT bħala struttura ta’ kooperazzjoni f’politiki settorjali oħra tal-UE, apparti l-politika reġjonali;

53.

jenfasizza r-rwol tal-pjattaforma tar-REKT tal-KtR fil-promozzjoni tal-istrument u l-għoti ta’ appoġġ operattiv għat-twaqqif ta’ REKT ġodda, b’mod partikolari permezz tal-iskambju tal-prattiki tajba;

54.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, fir-rigward tal-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali, tagħti attenzjoni partikolari lil dawn li ġejjin:

ir-rispett strett tal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli fil-korpi ta’ konsultazzjoni, it-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji makroreġjonali;

it-twaqqif ta’ strumenti ta’ segwitu u ta’ programmi finanzjarji li, filwaqt li jibbażaw fuq l-istrateġiji u l-pjani ta’ żvilupp lokali u reġjonali, jiggarantixxu approċċ f’diversi livelli sabiex dawn il-makroreġjuni jiġu żviluppati wkoll f’“raggruppamenti territorjali”;

l-assoċjazzjoni strutturali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-arkitettura finali tal-istrateġiji kkonċernati, biex tiġi evitata l-possibbiltà li jkun hemm konċentrazzjoni ta’ governanza fil-livell nazzjonali;

il-preżentazzjoni tal-valur miżjud Ewropew ta’ dawn l-istrateġiji, b’mod partikolari permezz ta’ White Paper;

It-twettiq tas-Suq Uniku fi sħubija

55.

jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnax-il xprun maħsuba sabiex jiġu stimulati t-tkabbir, il-kompetittività u l-progress soċjali hekk kif propost fl-Att dwar is-Suq Uniku u jappoġġja t-talba tal-Kunsill li enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku, filwaqt li jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli bil-ħidma tagħha sabiex tikseb dan l-għan (22);

56.

jinnota li l-Parlament Ewropew, fir-Rapport tiegħu dwar Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku, stqarr “li r-regoli tas-Suq Uniku spiss jiġu implimentati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw u jwessgħu aktar is-sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-politika ta’ koeżjoni sal-politiki tas-Suq Uniku’ (23);

57.

għaldaqstant, jitlob biex jiġi żgurat segwitu tal-implimentazzjoni globali tal-Att dwar is-Suq Uniku bil-għan li tiġi garantita koerenza fl-approċċ u li jinkiseb suq uniku fi sħubija; iqis li missjoni bħal din għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Istrateġija Ewropa 2020 li wieħed mill-punti tagħha huwa proprju r-rilanċ tas-suq uniku;

58.

jenfasizza l-kontribut tat-tikketta “Reġjun Ewropew Intraprenditorjali” tiegħu għall-iżvilupp ta’ viżjoni strateġika tal-iżvilupp territorjali integrat, fuq il-bażi tal-prinċipji tas-“Small Business Act” (24); huwa jappella wkoll għall-ħolqien ta’ “Small Business Act Patnerships” għat-twettiq tal-SBA fil-livell reġjonali kif ukoll li jiġu stabbiliti “Rappreżentanti tal-SMEs (SME Envoys)” fil-livell nazzjonali u f’dak reġjonali u lokali u jipproponi li jiġi involut fil-grupp konsultattiv dwar l-SBA li għandu jitwaqqaf;

59.

itenni l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u b’mod partikolari r-reġjuni li għandhom setgħat leġislattivi jkunu involuti fil-mekkaniżmi parteċipatorji għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni bis-sħiħ tal-leġislazzjoni dwar is-Suq Uniku;

Il-politiki futuri dwar l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-enerġija  (25)  (26)

60.

iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet internazzjonali u ’l-Unjoni Ewropea jqisu l-valur miżjud li joffru l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-governanza tal-ambjent globali u l-iżvilupp sostenibbli, inkluża l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ambjent bħall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), kif ukoll l-Aġenda Rio+20 għal ekonomija ekoloġika u governanza tal-iżvilupp sostenibbli (27);

61.

jargumenta li mod kostruttiv kif jiġu involuti l-livelli lokali u reġjonali rigward il-miżuri għall-adattament għall-klima huwa permezz ta’ ftehimiet immirati lejn ir-riżultat, li fihom il-livelli governattivi differenti jistgħu jimpenjaw ruħhom fuq bażi volontarja favur objettiv partikolari b’rabta mal-mitigazzjoni tal-klima u jġorru flimkien l-impenn u r-responsabbiltà għall-kontributi rispettivi tagħhom (28);

62.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza dejjem tikber tal-“alleanzi” settorjali jew intersettorjali dwar l-enerġija u l-klima bejn ir-reġjuni u l-kumpaniji. Dawn l-alleanzi għandhom jitħeġġu b’mod espliċitu sabiex mill-aktar fis possibbli jkomplu jiġu żviluppati u applikati t-teknoloġiji li jużaw ammont żgħir ta’ karbonju permezz ta’ sħubijiet bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli lokali u reġjonali, u negozji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs);

63.

jinnota li ż-żoni urbani jipproduċu 75 % tal-emissjonijiet tal-karbonju u jenfasizza l-fatt li azzjoni globali effettiva teħtieġ approċċ ta’ governanza f’diversi livelli li jinvolvi l-koordinazzjoni tal-isforzi bejn il-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u sopranazzjonali ta’ gvern abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; f’dan ir-rigward, ifakkar fil-proposti tiegħu għal “Patt Territorjali tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali dwar l-Istrateġija Ewropa 2020” bħala għodda effiċjenti għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima;

64.

jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu bir-reqqa l-impatt tal-linji gwida strateġiċi u l-istrumenti leġislattivi marbuta mal-Istrateġija tal-Enerġija 2020 dwar il-piżijiet amministrattivi u finanzjarji għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u biex jiġi żgurat rispett għall-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, u jappoġġja bis-sħiħ il-ħolqien ta’ strumenti innovattivi għall-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija (29);

65.

itenni l-impenn tiegħu fir-rigward tal-Patt tas-Sindki għall-kisba tal-objettiv komuni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u jirrakkomanda li dan jiġi estiż lil hinn mit-tnaqqis tas-CO2 lejn oqsma oħrajn tal-ekonomija sostenibbli bħalma hi l-ġestjoni tal-ilma kif ukoll li jiġi estiż ġeografikament għall-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran u s-Sħubija tal-Lvant, bil-pjattaformi politiċi li nieda, jiġifieri l-ARLEM u l-CORLEAP, u għal-livell dinji b’Patt tas-Sindki Dinji;

Il-politika agrikola komuni futura, il-politika tas-sajd u l-politika marittima

66.

huwa tal-fehma li t-twaqqif ta’ qafas ta’ governanza f’diversi livelli huwa kruċjali għar-riformulazzjoni b’suċċess tal-PAK wara l-2013 sabiex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-għażla tal-linji gwida u l-metodi tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta’ din il-politika komuni, kif ukoll it-twaqqif ta’ sinerġiji bejn il-politika tal-iżvilupp rurali u politiki oħrajn tal-UE, u b’mod partikolari l-politika ta’ koeżjoni (30);

67.

sabiex jissaħħaħ l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sa minn fażi bikrija fit-tfassil tal-politika agrikola komuni u tal-politika ta’ żvilupp rurali, jitlob li jkun involut b’mod sħiħ fil-ħidmiet preparatorji tal-gruppi konsultattivi tal-Kummissjoni Ewropea;

68.

huwa tal-fehma li l-approċċ integrat għandu jispira l-politika tas-sajd il-ġdida sabiex jiġu żgurati l-vijabbiltà tas-sajd u l-użu sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd; huwa favur id-deċentralizzazzjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex jitnaqqsu l-inkonsistenzi kkawżati minn mikroġestjoni Ewropea billi f’ċerti każijiet, ikun hemm rikors għall-proċedura ta’ komitoloġija, u billi fil-qafas tal-leġislazzjoni tal-UE l-ġestjoni ta’ ċerti attivitajiet tas-sajd titħalla f’idejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u s-settur innifsu;

69.

jitlob li jkun hemm koordinazzjoni bejn il-politiki settorjali li huma rilevanti għall-użu taż-żoni marittimi, u li jiġi stabbilit fond Ewropew uniku għall-affarijiet marittimi u tas-sajd li jintegra fl-istess qafas l-istrumenti eżistenti kollha f’dawn is-setturi, u għaldaqstant jappoġġja t-twaqqif ta’ pjattaforma marittima Ewropea li tiġbor flimkien l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-atturi kkonċernati sabiex tipprovdi strument li jippermetti t-tqassim tar-responsabbiltajiet u t-tixrid tal-prattiki tajbin (31);

Implimentazzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

70.

ifakkar l-importanza tal-implikazzjoni tiegħu fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni relatat mal-Programm ta’ Stokkolma kif ukoll fit-tħejjija tal-metodi ta’ valutazzjoni b’mod li jiġi garantit li jitqiesu aħjar l-esperjenzi mistħarrġa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

71.

jemmen, b’mod partikolari, li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija ta’ qafas Ewropew relatat mal-immigrazzjoni illegali, il-miżuri għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali għall-immigranti u l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi ta’ oriġini ser iżid il-leġittimità tal-azzjoni tal-Unjoni u jiżgura li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jiġi rispettat b’mod strett;

72.

jitlob biex isiru valutazzjonijiet tal-impatt territorjali sabiex jiġu valutati r-rekwiżiti imposti fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-miżuri b’applikazzjoni legali miftiehma fil-livell Ewropew jew nazzjonali;

73.

jinnota b’sodisfazzjon li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-konferenzi interministerjali annwali dwar l-integrazzjoni u l-kontribuzzjonijiet tiegħu għall-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, għall-manwal tal-Kummissjoni dwar l-Integrazzjoni bil-preżentazzjoni dwar il-prattiki tajbin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u għad-definizzjoni tal-prijoritajiet annwali u multiannwali tal-Fond Ewropew dwar l-Integrazzjoni wasslu għal rikonoxximent tal-approċċ f’diversi livelli fit-Tieni Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni (32), li tirrakkomanda:

“patti territorjali” bejn il-partijiet interessati rilevanti f’livelli differenti;

l-involviment tal-atturi lokali u reġjonali fid-definizzjoni tal-linji politiċi favur l-integrazzjoni fil-qafas tal-programmi tal-UE;

it-tisħiħ tal-proċessi ta’ konsultazzjoni permezz ta’ laqgħat strateġiċi flimkien mal-Kumitat tar-Reġjuni;

l-iżvilupp ulterjuri ta’ sett ta’ għodod flessibbli, li jkun jinkludi “moduli Ewropej”, biex isostni l-linji politiċi u l-prattiki nazzjonali u lokali;

Mekkaniżmi tal-governanza f’diversi livelli għall-appoġġ tal-istrateġija tat-tkabbir tal-UE

74.

huwa favur l-aġġustament tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) sabiex jiġi allinjat mal-ħtiġijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi benefiċjarji, u tal-iżvilupp tal-kooperazzjoni territorjali, b’mod speċjali r-REKT, li huma għodod essenzjali sabiex tiġi konsolidata d-dimensjoni pan-Ewropea tal-governanza f’diversi livelli;

Politika tal-viċinat konsolidata mill-governanza f’diversi livelli

75.

ifakkar li l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) u l-Konferenza annwali tal-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-pajjiżi fis-Sħubija tal-Lvant u tal-Unjoni Ewropea (CORLEAP) jgħaqqdu flimkien, rispettivamemnt, ir-rappreżentanti eletti lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi tal-Unjoni għall-Mediterran u tas-Sħubija tal-Lvant, u jikkompletaw il-qafas istituzzjonali ta’ dawn iż-żewġ proċessi;

76.

huwa tal-fehma li demokrazija f’diversi livelli u approċċ inklużiv huma kruċjali għas-suċċess tagħhom, u jinnota li dawn iż-żewġ inizjattivi politiċi li jsaħħu d-dimensjoni territorjali tal-politika tal-viċinat iwieġbu għall-ħtieġa evidenti ta’ appoġġ fit-tħejjija biex jiġu stabbiliti strutturi politiċi u amministrattivi permanenti fil-livell lokali u reġjonali, għall-użu effikaċi tal-istrumenti finanzjarji u għat-twaqqif tal-mekkaniżmi biex jippermettu l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali tal-pajjiżi msieħba permezz, b’mod partikolari, tal-merti tal-kooperazzjoni interreġjonali;

77.

qed jieħu azzjoni sabiex l-ARLEM tkun involuta mill-qrib fil-governanza tal-Unjoni għall-Mediterran biex b’hekk tippermetti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tat-tlitt ixtut ikunu involuti fid-djalogu politiku fi ħdan il-korpi varji, u biex jibbenefikaw mill-aċċess għall-mekkaniżmi u l-istrumenti mwaqqfa għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni;

78.

fil-kuntest tal-konsolidazzjoni tal-pjattaforma istituzzjonali mwaqqfa flimkien mal-CORLEAP, jixtieq jistabbilixxi djalogu permanenti mal-Kummissjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba sabiex jinstabu metodi konkreti li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-erba’ pjattaformi tas-sħubija, biex ikunu involuti fit-tħejjija tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, ta’ dokumenti strateġiċi u ta’ pjani ta’ azzjoni, u b’mod partikolari biex jimplimentaw u jivvalutaw il-programmi indikattivi nazzjonali;

Il-governanza f’diversi livelli fil-globalizzazzjoni: prospettiva ta’ dinamiki ġodda

79.

jippromovi l-approċċ territorjali fir-reviżjoni tal-politika Ewropea tal-iżvilupp u parteċipazzjoni miżjuda tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-Għanijiet tal-Millennju (33); f’dan ir-rigward jinsisti dwar l-appoġġ meħtieġ li għandu jiġi pprovdut sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi msieħba;

80.

jinnota l-valur miżjud tal-kooperazzjoni deċentralizzata u b’mod speċjali inizjattivi bħalma huma l-Konferenza dwar il-kooperazzjoni deċentralizzata, li għandha l-għan li tiffaċilita l-iskambju u d-djalogu politiku bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE, tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-istituzzjonijiet tal-UE, il-Portal dwar il-kooperazzjoni deċentralizzata u l-borża tal-kooperazzjoni deċentralizzata, strumenti li għandhom ikunu konsolidati fil-kuntest ta’ kooperazzjoni istituzzjonali fil-livell Ewropew;

81.

jinnota b’sodisfazzjon li l-kontributi sinifikanti ta’ diversi organizzazzjonijiet internazzjonali għall-proċess ta’ konsultazzjoni tal-White Paper dwar il-governanza f’diversi livelli (34) wrew kemm dan l-approċċ fil-livell tal-Unjoni Ewropea huwa ta’ interess għalihom, kemm għall-iżvilupp tad-dimensjoni territorjali tal-azzjonijiet tagħhom u kemm għall-ħolqien ta’ sħubijiet f’reġjuni oħra tad-dinja li jippromovu l-komplementarità bejn il-politiki settorjali;

82.

jenfasizza, fil-kuntest tal-affermazzjoni tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-mekkaniżmi tal-governanza globali:

it-tendenza li jitqies aktar l-impatt territorjali tal-globalizzazzjoni fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod speċjali mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u l- bidu ta’ riflessjoni dwar politika globali tal-iżvilupp bilanċjat u l-koeżjoni territorjali fil-livell dinji (35);

ir-rilevanza ta’ paradiplomazija fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari d-diplomazija tal-bliet u dik implimentata mir-reġjuni b’setgħat leġislattivi;

il-kontribut tad-djalogu u l-iskambju ta’ esperjenzi ma’ żoni reġjonali kbar oħra b’kamra (chamber) fil-livell sottonazzjonali bħalma huma l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Afrika tal-Punent (UEMOA) jew il-kamra reġjonali tal-MERCOSUR;

l-eżistenza ta’ kanali ġodda ta’ kooperazzjoni u ta’ djalogu politiku proposti minn ċerti organizzazzjonijiet internazzjonali għall-Kumitat tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali (OECD, ILO, UNEP, UNDP, UNHABITAT, UNESCO, FAO, eċċ.) (36);

83.

għaldaqstant, jikkonkludi li t-tendenza lejn id-deċentralizzazzjoni u l-fatt li l-atturi sottonazzjonali ħadu spinta ’l quddiem fi ħdan il-komunità dinjija jistgħu jwasslu biss għall-involviment tagħhom fil-mekkaniżmi ta’ governanza tal-globalizzazzjoni u b’hekk jippromovu t-twelid ta’ multilateraliżmu ġdid;

D.    Stadji ġodda sabiex tiġi konsolidata l-implimentazzjoni tal-governanza f’diversi livelli

84.

ħa l-inizjattiva li jwaqqaf “Tabella ta’ valutazzjoni tal-governanza fdiversi livelli fil-livell tal-Unjoni Ewropea”, li fuq bażi annwali ser tgħin biex jitkejjel sa liema punt ikunu tqiesu l-prinċipji u l-mekkaniżmi ewlenin ta’ dan it-tip ta’ governanza fiċ-ċiklu politiku tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li ssir enfasi fuq id-dimensjoni reġjonali u lokali tal-politiki u l-istrateġiji analizzati. L-ewwel edizzjoni ser tindika l-progress u l-ostakli li ġew identifikati fil-proċess Ewropew ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward ta’ erba’ strateġiji u politiki ewlenin fil-programm politiku tal-Unjoni Ewropea għall-2010: l-Istrateġija Ewropa 2020, l-Istrateġija tal-Enerġija 2011/2020, il-Programm ta’ Stokkolma u l-Aġenda tar-Rebbiegħa (37);

85.

Wara ħarsa lejn l-ewwel tabella ta’ valutazzjoni tiegħu, jinnota li:

il-metodoloġija żviluppata (38) turi li qed tinbet sistema ta’ governanza f’diversi livelli fil-livell istituzzjonali tal-UE fejn l-informazzjoni hija disponibbli u tiġi pprovduta (fil-biċċa l-kbira tagħha) f’diversi livelli b’mod miftuħ u trasparenti, fejn il-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni normalment huma stabbiliti tajjeb u jinvolvu l-livelli kollha, eċċ. Minkejja dan, fil-valutazzjoni addizzjonali tal-mekkaniżmi u l-prattiki tal-governanza f’diversi livelli, instabu ċerti nuqqasijiet. Dan jirreferi b’mod speċjali għall-użu ta’ mekkaniżmi u strumenti innovattivi li jittraduċu r-rekwiżiti tal-governanza f’diversi livelli fil-kontenut tal-politiki;

dwar it-tabella komparattiva tar-riżultati, il-proċess politiku li wassal għat-tfassil tal-Istrateġija Ewropa 2020 kiseb l-ogħla punti totali. Dan ifisser li ġew identifikati prattiki li jikkorrispondu aktar għall-indikaturi tal-governanza f’diversi livelli li tfasslu għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-governanza f’diversi livelli. L-inqas punti ngħataw lill-governanza f’diversi livelli fil-qafas tal-Pakkett tar-Rebbiegħa 2010 dwar l-Għanijiet tal-Millennju. Hawnhekk, in-nuqqas ta’ trasparenza tal-proċess ta’ involviment tal-partijiet interessati għamilha partikolarment diffiċli li jingħataw il-punti u dan wassal għal riżultati baxxi. B’mod ġenerali, hemm potenzjal ċar għal prattiki aħjar tal-governanza f’diversi livelli fl-erba’ dossiers ta’ politika (39);

86.

iqis li sabiex tissaħħaħ l-azzjoni ta’ monitoraġġ tal-Kumitat tar-Reġjuni, il-prattika tal-governanza f’diversi livelli tista’ tiġi enfasizzata b’mod partikolari fil-konferenza li jmiss dwar is-sussidjarjetà biex jiġu analizzati t-tendenzi li ġew osservati fl-ewwel tabella ta’ valutazzjoni u tal-impatt tagħhom fuq il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet Ewropew;

87.

matul ix-xhur li ġejjin ser ifassal il-Karta tal-Unjoni Ewropea dwar il-Governanza f’Diversi Livelli tiegħu, li għandha twassal għal parteċipazzjoni akbar tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-eżerċizzju tad-demokrazija Ewropea. Dan il-proċess ta’ abbozzar ser ikun wieħed parteċipattiv u inklużiv, u għandu jippromovi l-kunċett ta’ sjieda min-naħa tar-rappreżentanti eletti lokali u reġjonali.

Brussell, 16 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-“Gvernanza f’Diversi Livelli” CdR 89/2009 fin.

(2)  Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-prijoritajiet politiċi għall-2011, il-KtR jindika li “beħsiebu jkompli jiżviluppa kultura Ewropea ta’ governanza f’diversi livelli (GDL), u ser jimxi mal-White Paper dwar il-GDL biex jivvaluta l-implimentazzjoni tagħha u jimmonitorja l-istat tal-governanza f’diversi livelli fi ħdan l-Unjoni Ewropea” - CdR 361/2010 fin. Dan il-proċess jinvolvi djalogu mal-assoċjazzjonijiet territorjali Ewropej u t-think tanks prinċipali Ewropej.

(3)  Skont dan il-prinċipju, għandu jkun l-obbligu ta’ kull livell ta’ gvern li jkun qed jieħu sehem fi proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet konġunt li jrawwem il-leġittimità u l-kapaċità tal-oħrajn (Landy u Teles, “Beyond devolution: from subsidiarity to mutuality” (Lil hinn mid-devoluzzjoni: mis-sussidjarjetà għar-reċiproċità)). Fi kliem ieħor, il-governanza f’diversi livelli m’għandhiex titqies bħala attività kompetittiva. Minflok, il-livelli differenti għandhom jaħdmu biex isaħħu lil xulxin.

(4)  Dan il-prinċipju jikkonsisti f’sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi fost id-diversi istituzzjonijiet Komunitarji, li tagħti rwol preċiż lil kull istituzzjoni fl-istruttura istituzzjonali tal-Komunità u fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha. Il-Qorti tiżgura r-rispett tal-istat tad-dritt billi timmonitorja ż-żamma tal-bilanċ istituzzjonali, u dan ifisser li kull istituzzjoni trid teżerċita s-setgħat tagħha b’attenzjoni għas-setgħat tal-istituzzjonijiet l-oħrajn (ara l-Każ 9/56, Meroni v. Awtorità Għolja, (1957 u 1958) ECR 133, 152. u l-Każ 70/88, Parlament Ewropew v. Kunsill (190) ECR I-2041, I-2072, paragrafi 21 u 22).

(5)  Stqarrija għall-istampa konġunta tas-Sur José Manuel Barroso u s-Sinjura Mercedes Bresso fid-29 ta’ Ġunju 2010 (ara MEMO/10/287 f’dan l-indirizz: http://europa.eu/rapid/).

(6)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2010 (is-Sinjura Manescu) dwar “Governanza tajba fir-rigward tal-politika reġjonali tal-UE: proċeduri ta’ assistenza u kontroll mill-Kummissjoni Ewropea” (2009/2231(INI))(P7_TA(2010) 0468)).

(7)  Laqgħa informali tal-ministri għall-politika territorjali li saret fis-17 ta’ Marzu 2010 f’Malaga fuq inizjattiva tal-Presidenza Spanjola bi tkomplija tad-dinamika tad-Djalogu Territorjali ta’ Palma tat-18 ta’ Jannar 2010.

(8)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni “Regolamentazzjoni Intelliġenti” – CdR 353/2010.

(9)  Siltiet mir-rapport tal-Grupp ta’ Riflessjoni tal-Kunsill Ewropew dwar “Proġett Ewropa 2030, Sfidi u Opportunitajiet”, Marzu 2010. Ir-rapport ġie ppreżentat lill-President tal-Kunsill Ewropew, is-sur Herman Van Rompuy, fit-8 ta’ Mejju 2010.

(10)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej” - CdR 167/2010 fin.

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini - COM(2010) 119 finali.

(11)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-azzjoni u l-inizjattivi tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - it-3092 sessjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, Brussell, 23 ta’ Mejju 2011.

(12)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni “Il-Mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-partenarjati pubbliċi privati” - CdR 21/2010 fin.

(13)  B’referenza għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2011 - EUCO 10/1/11 REV 1, il-Kumitat tar-Reġjuni, fil-qafas tal-ħidma tal-pjattaforma tiegħu Ewropa 2020, innota li, fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tinsab fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma:

f’żewġ terzi tal-Istati Membri (19 minn 27), l-awtoritajiet reġjonali u lokali qdew rwol fil-proċess tat-tfassil tal-PNR.

fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ġew ikkonsultati u fi tmienja fost dawn, l-ALR kellhom sehem dirett fit-tfassil tal-PNR;

fil-PNR ta’ tlettax-il Stat Membru (inklużi 5 mill-aktar popolati) hemm imsemmija inizjattivi bbażati fuq il-governanza f’diversi livelli;

żewġ Stati Membri (BE, PT) adottaw miri divrenzjati skont ir-reġjuni;

Stat Membru wieħed (RO) ħabbar li ser jadotta l-proposta tal-Kumitat tar-Reġjuni għal Patti Territorjali, u semmiha b’mod espliċitu;

xi Stati Membri waqqfu l-għan għalihom infushom li jimplimentaw “approċċ integrat” u li jsaħħu s-“sinerġiji” bejn il-livelli differenti ta’ governanza permezz ta’ strutturi ta’ koordinazzjoni/djalogu aktar effettivi.

(14)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 – CdR 72/2011 riv. 1, u r-Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Sehem ikbar tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fl-Istrateġija Ewropa 2020” - CdR 199/2010 fin.

(15)  Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Għal strumenti aktar adatti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020: il-linji gwida integrati għall-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tal-Istati Membri u tal-Unjoni – CdR 175/2010 fin.

(16)  Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni – SEC (2011)708 (http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/scoreboard/docs/scoreboard.pdf). Dwar dan, fl-opinjoni tiegħu CdR 104/2010 fin, il-KtR qal li huwa għandu jingħata rwol proattiv, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, fiċ-Ċiklu Ewropew tal-Governanza tal-Aġenda Diġitali (European Digital Agenda Governance Cycle).

(17)  CdR 373/2010 fin

(18)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill rigward il-Ħames Rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali – it-3068 sessjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, Brussell, 21 ta’ Frar 2011.

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-Istrateġija Ewropa 2020 – CdR 223/2010 fin.

(19)  Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni, CdR 210/2009 fin.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni – (COM(2010) 642 finali).

(20)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Perspettivi ġodda għar-reviżjoni tar-regolament REKT – CdR 100/2010 fin.

(21)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Perspettivi ġodda għar-reviżjoni tar-regolament REKT – CdR 100/2010 fin.

(22)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar L-Att dwar is-Suq Uniku – prijoritajiet għar-rilanċ tas-Suq Uniku – it-3105 sessjoni tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Brussell, 12 ta’ Lulju 2011. Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Att dwar is-Suq Uniku – CdR 330/2010 fin.

(23)  Rapport dwar Governanza u Sħubija fis-Suq Uniku (2010/2289 (INI)).

(24)  Abbozz ta’ opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-reviżjoni tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa – CdR 151/2011 riv.1.

(25)  Ara r-rakkomandazzjonijiet dettaljati maħruġa fl-Opinjoni ta’ Prospettiva tiegħu CdR 164/2010 fin dwar Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika ambjentali tal-ġejjieni, li tittratta l-mod kif għandu jiġi applikat approċċ ta’ governanza f’diversi livelli fil-fażijiet kollha tat-tfassil tal-politika ambjentali tal-UE.

(26)  Ara, fost oħrajn, il-White Paper tal-Kummissjoni “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” – COM(2011) 144 finali.

(27)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-politika tal-UE u l-politika internazzjonali fil-qasam tal-bijodiversità wara l-2010 - CdR 112/2010 fin, u l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-politika internazzjonali dwar il-klima adottata wara Kopenħagen - CdR 245/2010 fin. L-abbozz ta’ Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-iżvilupp sostenibbli 2012 (Rio+20) - CdR 187/2011 riv. 1.

(28)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-politika internazzjonali dwar il-klima adottata wara Kopenħagen – CdR 245/2010 fin.

(29)  Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika ambjentali tal-ġejjieni – CdR 164/2010 fin; u l-Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-baġit futur tal-UE u l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-politika ġenerali – CdR 104/2011 fin.

(30)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ġejjieni tal-PAK wara l-2013 - CdR 127/2010 fin.

(31)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-iżvilupp ta’ politika marittima integrata u l-għarfien dwar il-baħar 2020 – CdR 339/2010 fin.

(32)  Proposta tal-Kummissjoni – Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi – COM(2011) 455 finali.

(33)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni u l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar Politika tal-iżvilupp tal-UE għall-appoġġ ta’ tkabbir inklussiv u żvilupp sostenibbli – Żieda fl-impatt tal-politika tal-iżvilupp tal-UE – CdR 408/2010 fin.

(34)  Ir-Rapport ta’ Konsultazzjoni dwar il-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-governanza f’diversi livelli – CDR 25/2010 fin.

(35)  Ara l-attivitajiet tal-assoċjazzjoni “Forum globali tal-assoċjazzjonijiet reġjonali/FOGAR”.

(36)  Il-Kumitat tar-Reġjuni jtenni li s-Summit Rio+20 jinkariga lill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), jew il-Kummissjoni dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (SDC) joħolqu kumitat permanenti għall-gvernijiet sottonazzjonali u lokali bħala struttura ġdida li b’mod adegwat tirrifletti l-governanza f’diversi livelli u toffri mekkaniżmu permanenti ta’ konsultazzjoni u kooperazzjoni ma’ gvernijiet sottonazzjonali u awtoritajiet lokali madwar id-dinja. Il-Kumitat tar-Reġjuni jista’ jservi ta’ mudell f’dan ir-rigward. Minbarra dan, huwa promettenti l-fatt li fi ħdan l-hekk imsejħa Konvenzjonijiet ta’ Rio tan-NU, il-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali dan l-aħħar ingħataw rikonoxximent akbar tal-istatus speċjali tagħhom bħala istituzzjonijiet tal-gvern, inkluż pereżempju r-rikonoxximent tagħhom bħala “partijiet interessati” fil-Ftehim ta’ Cancun, kif ukoll id-Deċiżjoni X/22 tal-COP 10 tas-CBD “Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvernijiet Sottonazzjonali, il-Bliet u Awtoritajiet Lokali oħra”. Il-KtR tenna li l-gvernijiet sottonazzjonali u l-awtoritajiet lokali jeħtieġu li jkollhom post fil-qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli flimkien mal-gvernijiet nazzjonali u l-entitajiet tan-NU. Fl-abbozz ta’ opinjoni tiegħu CoR 187/2011 riv.1 dwar Il-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE għall-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-iżvilupp sostenibbli 2012 (Rio+20), il-KtR jiddeplora l-fatt li fl-arkitettura attwali tal-governanza internazzjonali, minkejja r-rwol speċifiku tagħhom fil-governanza, ir-rappreżentanza tagħhom fil-korpi tan-NU ta’ sikwit qed tpoġġihom fuq l-istess livell tas-soċjetà ċivili u n-negozji bħala gruppi ewlenin oħra.

(37)  Dan l-ewwel eżerċizzju tat-tabella ta’ valutazzjoni huwa bbażat fuq studju mill-EIPA.

(38)  Ġew definiti sitt kategoriji taħt żewġ titli ta’ prattiki konkreti għall-governanza f’diversi livelli (I. Proċeduri: informazzjoni u konsultazzjoni; involviment tal-partijiet interessati u attitudni ta’ rispons; II. Kontenut tal-politiki tal-UE: politika territorjali/integrata/ibbażata fuq il-post; Mekkaniżmi ta’ regolamentazzjoni intelliġenti u strumenti innovattivi għall-implimentazzjoni u s-sħubija). Ġie definit ukoll x’jista’ jitqies bħala ‘prattika tajba’ fir-rigward tas-sitt prattiki li jirreferu għall-prinċipji u l-għanijiet ġenerali tal-governanza f’diversi livelli u jiġu stabbiliti indikaturi sabiex jitkejlu jew jiġu valutati l-prattiki ta’ implimentazzjoni.

(39)  Dwar ir-riżultati differenti għall-“proċeduri” u l-“kontenut”, is-sottoriżultati differenti għall-grupp tal-kategorija “proċeduri” u “kontenut” juru li, ħlief għall-Pakkett tar-Rebbiegħa, il-prattiki tal-governanza f’diversi livelli huma ħafna aktar żviluppati taħt il-grupp “proċeduri” (informazzjoni/konsultazzjoni, involviment tal-partijiet interessati, attitudni ta’ rispons) meta mqabblin mal-grupp “kontenut” (strumenti innovattivi għall-implimentazzjoni, mekkaniżmi intelliġenti ta’ regolamentazzjoni, approċċ territorjali/integrat). Kemm l-Ewropa 2020 kif ukoll l-Enerġija/Klima laħqu l-livell minimu tar-riżultat 3/6 għall-grupp “proċeduri”. Madankollu, it-tabella turi wkoll li r-riżultat ġeneralment pożittiv għall-Ewropa 2020 inkiseb prinċipalment minħabba r-riżultat għoli li nkiseb taħt il-prattiki tal-governanza f’diversi livelli tal-“proċeduri”.

Meta nagħtu ħarsa aktar dettaljata lejn it-tliet komponenti ta’ kull sottogrupp, id-dijagrammi tat-tabelli juru li - ħlief għall-Pakkett tar-Rebbiegħa - ir-riżultati relattivament ogħla għall-ewwel sottogrupp “proċeduri”, meta mqabblin mas-sottogrupp “kontenut”, jistgħu jiġu spjegati mir-riżultati għoljin (ħafna) għall-“Informazzjoni/Konsultazzjoni”, u sa ċertu punt anke mir-riżultat sodisfaċenti għall-“involviment tal-partijiet interessati”. Madankollu, b’mod ġenerali l-“attitudni ta’ rispons” ġabet riżultati relattivament baxxi. Fit-tieni sottogrupp “Kontenut tal-politiki tal-UE”, kienet biss l-Ewropa 2020 li setgħet tikseb riżultat tista’ tgħid sodisfaċenti għall-“mekkaniżmu ta’ regolamentazzjoni intelliġenti” u “strumenti innovattivi għall-implimentazzjoni”. L-istess jgħodd għall-Enerġija/Klima u għall-Pakkett tar-Rebbiegħa fejn tidħol il-prattika tal-“approċċ territorjali/integrat”. Il-prattiki l-oħrajn kollha kisbu riżultati relattivament baxxi.