ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.074.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 74

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
13 ta' Marzu 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2012/C 074/01

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tad-Dazji tas-Sisa

1

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 074/02

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.6441 – Senoble/Agrial/Senagral JV) ( 1 )

5

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2012/C 074/03

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2012 li taħtar u tissostitwixxi l-membri tal-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali

6

2012/C 074/04

Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2012 li taħtar membru wieħed tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

7

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 074/05

Rata tal-kambju tal-euro

8

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Parlament Ewropew

2012/C 074/06

Avviż ta' reklutaġġ PE/150/S

9

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 074/07

Sejħiet għal proposti skont il-programm ta’ ħidma 2012 Nies tas-7 Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta’ Turija

10

2012/C 074/08

Sejħa għall-proposti tal-2012 ta’ LIFE+

11

2012/C 074/09

Sejħa għall-proposti – DĠ ENTR Nru 30-G-ENT-CIP-12-E-N01C051 – Il-programm Erasmus għal imprendituri żgħażagħ

14

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 074/10

Avviż dwar l-impenji offruti b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina: bidla fl-indirizz ta' kumpanija

16

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2012/C 074/11

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6314 – Telefónica UK/Vodafone UK/Everything Everywhere/JV) ( 1 )

17

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

13.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/1


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Kooperazzjoni fil-qasam tad-Dazji tas-Sisa

2012/C 74/01

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 u 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 28(2) tiegħu,

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fl-14 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tad-dazji tas-sisa (3) (minn hawn ’il quddiem “il-Proposta”).

2.

Fl-istess data, il-proposta ntbagħtet mill-Kummissjoni lill-KEPD. Il-KEPD jifhem din il-komunikazzjoni bħala talba biex jagħti parir lill-korpi u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

3.

Qabel l-adozzjoni tal-Proposta, il-KEPD ingħata l-opportunità mill-Kummissjoni sabiex jipprovdi kummenti informali. Il-KEPD jinsab sodisfatt bil-proċess, li kien ta’ għajnuna sabiex it-test jitjieb mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta fi stadju bikri. Xi wħud minn dawk il-kummenti ġew ikkunsidrati fil-Proposta. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għall-konsultazzjoni preżenti fil-preambolu tal-Proposta.

4.

Madankollu, il-KEPD jixtieq jenfasizza xi elementi li għadhom jistgħu jittejbu fit-test minn perspettiva ta’ protezzjoni tad-dejta.

1.2.   Sfond ġenerali

5.

Il-proposta għandha l-għan li taġġorna d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2073/2004, li stabbilixxew qafas legali għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali fil-qasam tad-dazji tas-sisa (fuq l-alkoħol, it-tabakk, u l-prodotti tal-enerġija) sabiex jiġi miġġieled il-frodi tad-dazju. Ir-Regolament stabbilixxa regoli vinkolanti dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, introduċa skambji ta’ informazzjoni spontanji u awtomatiċi (flimkien mal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba) u ppermetta lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiskambjaw l-informazzjoni ma’ xulxin, b’mod partikolari permezz ta’ mezzi elettroniċi. Ir-Regolament stabbilixxa wkoll il-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

6.

Dawn id-dispożizzjonijiet jeħtieġ li jiġu riveduti sabiex jikkunsidraw il-modifiki fis-Sistema kompjuterizzata tal-Movimenti u tal-Kontrolli intrakomunitarji ta’ prodotti soġġetti għas-Sisa (minn hawn ’il quddiem l-“EMCS”), li għandhom l-għan li jikkompjuterizzaw il-moviment u s-sorveljanza tal-prodotti soġġetti għas-sisa. Il-Proposta għandha wkoll l-għan li (i) taġġorna l-lingwa fir-Regolament; (ii) tneħħi d-dispożizzjonijiet li ma għadhomx iżjed rilevanti u tagħmel l-istruttura tat-test iktar loġika u (iii) tissimplifika l-qafas regolatorju, billi tagħmlu iktar effiċjenti.

7.

F’dan il-kuntest, l-ipproċessar tad-dejta personali jsir b’diversi modi. L-Istati Membri jiskambjaw l-informazzjoni bejn xulxin, mal-Kummissjoni kif ukoll ma’ pajjiżi terzi (4) dwar in-negozjanti fil-prodotti soġġetti għas-sisa, li jistgħu jkunu persuni fiżiċi jew ġuridiċi, kif ukoll informazzjoni kummerċjali oħra, flimkien ma’ informazzjoni dwar reati suspettati jew verifikati relatati mal-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar id-dazji tas-sisa.

8.

Din l-Opinjoni tiffoka fuq l-aspetti tal-Proposta li għandhom effett fuq il-protezzjoni tad-dejta.

2.   ANALIŻI TAL-PROPOSTA

2.1.   Referenza għad-Direttiva 95/46/KE

9.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-premessa 18 tal-Proposta ssemmi b’mod espliċitu li l-ipproċessar tad-dejta personali mill-Kummissjoni huwa rregolat mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u li l-ippoċessar mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huwa rregolat mid-Direttiva 95/46/KE.

10.

Il-KEPS jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon ir-referenza għall-applikabbiltà tal-liġijiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta fl-Artikolu 28(4) tal-Proposta. Madankollu, id-dispożizzjoni għandha tirreferi b’mod iktar preċiż għall-“ipproċessar tad-dejta personali” iktar milli għal “kull ħażna u skambju ta’ informazzjoni”. Din ir-referenza hija ppreferuta peress li t-terminu “ipproċessar” jirreferi għal kull operazzjoni relatata mal-informazzjoni, u b’hekk jinkludi wkoll l-passi kollha fl-użu tal-informazzjoni, mill-ġabra għal kwalunkwe użu ulterjuri, skont il-paragrafi 2 u 3. Dan huwa importanti peress li l-użu tad-dejta personali għall-finijiet oħra għajr għal dawk li oriġnarjament inġabret għalihom, huwa soġġett għal kundizzjonijiet stretti skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46/KE.

2.2.   Definizzjoni tal-kategoriji tad-dejta li għandhom jiġu skambjati

11.

Il-proposta tiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ skambju ta’ informazzjoni: “Kooperazzjoni fuq talba” (Kapitolu II) u “Skambju ta’ informazzjoni mingħajr l-ebda talba minn qabel” (Kapitolu III). Madankollu, il-KEPD josserva li t-test tar-Regolament ma jispeċifikax il-kategoriji tad-dejta li għandhom jiġu skambjati. Fiż-żewġ każijiet (fuq talba u mingħajr l-ebda talba minn qabel), huwa ddikjarat li l-kontenut tad-dokumenti tal-assistenza amministrattiva reċiproka għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni (l-Artikoli 9(2) u 16(3)).

12.

Il-KEPS jirrakkomanda li fil-Proposta stess għandha tiddaħħal deskrizzjoni ġenerali tal-kategoriji tad-dejta li jistgħu jiġu skambjati mill-awtoritajiet kompetenti peress li dan jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-elementi essenzjali tar-Regolament. Dan ma jistax jiġi ttrattat f’att ta’ implimentazzjoni.

13.

Barra minn hekk, il-KEPD għandu jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni li jista’ jkollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-dejta personali. Dan l-obbligu għandu jiġi speċifikat fit-test tal-Proposta.

2.3.   Ipproċessar ta’ dejta sensittiva

14.

Filwaqt li jitqiesu l-objettivi tal-Proposta, huwa probabbli li d-dejta relatata mal-każijiet suspettati ta’ frodi sejra tiġi pproċessata. Il-KEPD jenfasizza li d-dejta dwar reati suspettati tista’ tiġi pproċessata biss taħt il-kontroll ta’ awtorità uffiċjali (5) jew soġġetta għal salvagwardji speċifiċi pprovduti mil-liġi (6) peress li din hija kkunsidrata bħala dejta sensittiva li teħtieġ protezzjoni speċjali. Fit-test tar-Regolament għandhom jiddaħħlu salvagwardji dwar l-użu permess ta’ din l-informazzjoni (bħal drittijiet ta’ aċċess iktar stretti, miżuri ta’ sigurtà iktar b’saħħithom, l-inklużjoni ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-privatezza, pjan ta’ sigurtà u verifiki regolari).

15.

Barra minn hekk, il-KEPD jixtieq jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li l-ipproċessar ta’ din id-dejta sensittiva jista’ jkun soġġett għall-verifika minn qabel mill-KEPD jew mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta.

2.4.   Kwalità tad-dejta u drittijiet tas-suġġetti tad-dejta

16.

Il-proposta tintroduċi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex iżommu reġistru f’database elettroniku tal-operaturi ekonomiċi kollha li huma magazziniera awtorizzati jew destinatarji jew kunsinjatarji rreġistrati. L-informazzjoni li tinsab fir-reġistri tkun skambjata b’mod awtomatiku bejn l-Istati Membri permezz tar-reġistru ċentrali ġestit mill-Kummissjoni (ara l-Artikolu 19(4)).

17.

L-Artikolu 19(3) jeħtieġ li d-dipartiment jew l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament tas-sisa ta’ kull Stat Membru jassigura li l-informazzjoni li tinsab fir-reġistri nazzjonali tkun kompleta, preċiża u aġġornata. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon din id-dispożizzjoni li hija konformi mal-prinċipju tal-kwalità tad-dejta stabbilita kemm fid-Direttiva 95/46/KE (7) u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (8).

18.

L-Artikolu 20 tal-Proposta jispjega kif l-operaturi ekonomiċi għandhom id-dritt li jivverifikaw l-informazzjoni disponibbli lill-pubbliku fuq id-database ċentrali ġestit mill-Kummissjoni (SEED-on-Europa) fir-rigward tad-dettalji tal-awtorizzazzjoni tagħhom, billi jdaħħlu n-numru ta’ awtorizzazzjoni tas-sisa tagħhom. Dawn huma wkoll mogħtija b’mod espliċitu, id-dritt li jkollhom kull żball korrett fl-informazzjoni pubblika mill-Istat Membru li jkun ħareġ l-awtorizzazzjoni. Il-Kummissjoni tintrabat li tressaq dawn it-talbiet għall-korrezzjoni lill-awtorità kompetenti xierqa. Fir-rigward tal-aċċess u l-korrezzjonijiet għall-informazzjoni li mhux disponibbli għall-pubbliku dwar l-operaturi ekonomiċi, li l-Kummissjoni ma għandhiex aċċess għaliha, operatur ekonomiku għandu jkompli jirreferi għall-awtorità kompetenti rilevanti. Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Proposta tagħti u tirregola b’mod espliċitu d-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta għall-aċċess u l-korrezzjoni ta’ dejta personali relatata magħhom.

19.

Madankollu, l-Artikolu 28(4), it-tieni subparagrafu, jiddikjara li l-Istati Membri għandhom jirrestrinġu d-drittijiet ta’ informazzjoni u aċċess u l-pubblikazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar (9) sal-punt neċessarju biex jiġu salvagwardjati l-“interessi finanzjarji ekonomiċi jew importanti” tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali (10). Dawn jirrappreżentaw restrizzjoni ta’ xi wħud mill-elementi importanti tad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta kif speċifikat fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni. Il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jintwerew b’mod ċar mil-leġiżlatur. Barra minn hekk, sitwazzjonijiet speċifiċi fejn dawn ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa, għandhom jiġu speċifikati fit-test tal-Proposta - jew fi premessa.

2.5.   Żamma tad-dejta

20.

L-Artikolu 21(1) tal-Proposta jintroduċi l-obbligu li l-informazzjoni li tikkonċerna l-movimenti intra-komunitarji tinżamm għal tal-inqas tliet snin, skont il-politika ta’ żamma tal-awtorità kompetenti, sabiex l-informazzjoni tkun tista’ tintuża fil-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament.

21.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon l-obbligu li kull dejta personali wara dan il-perjodu titħassar jew tiġi anonimizzata (ara l-Artikolu 21(2)). Madankollu, il-Proposta ma għandhiex biss tissodisfa l-perjodu minimu ta’ żamma, iżda anki l-perjodu massimu ta’ żmien li din id-dejta tista’ tinħażen. Barra minn hekk, il-ħtieġa li tinżamm dejta personali għal dan il-perjodu għandha tkun iġġustifikata u murija, mill-inqas fil-premessi tal-Proposta.

2.6.   Trasferimenti internazzjonali

22.

L-Artikolu 32(1) tal-Proposta jiddikjara li f’każijiet ta’ tranżazzjonijiet li jidhru li jiksru l-leġiżlazzjoni dwar is-sisa, l-informazzjoni miksuba taħt din il-Proposta tista’ tiġi kkomunikata lil pajjiż terz jekk il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin japplikaw:

jekk il-pajjiż terz huwa marbut legalment sabiex jipprovdi l-assistenza meħtieġa biex tinġabar evidenza dwar in-natura irregolari tat-tranżazzjoni;

jekk l-awtoritajiet kompetenti li pprovdew l-informazzjoni jkunu taw il-kunsens tagħhom skont il-liġi nazzjonali tagħhom;

jekk dan ikun f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimentaha;

jekk id-dejta tiġi ttrasferita għall-istess finijiet li nġabret għalihom.

23.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għall-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-limitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-trasferimenti għal dejta dwar tranżazzjonijiet speċifiċi li huma suspettati li jiksru l-liġijiet tas-sisa. Madankollu, peress li dan sejjer jimplika l-ipproċessar ta’ dejta sensittiva, it-trasferiment jeħtieġ li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE (ara l-paragrafu 2.3).

24.

Il-KEPD jilqa’ wkoll b’sodisfazzjon, il-fatt li d-dejta tista’ tiġi ttrasferita biss għall-istess finijiet li tkun inġabret għalihom. Madankollu, il-finijiet speċifiċi li għalihom id-dejta tista’ tiġi ttrasferita lejn pajjiżi terzi u l-kategoriji ta’ dejta li jistgħu jiġu ttrasferiti għandhom ikunu espliċiti fil-Proposta u fi prinċipju, ikunu limitati għall-ġlieda kontra l-ksur tal-liġijiet tas-sisa. Għandu jiġi speċifikat ukoll li t-trasferimenti ta’ dejta personali lejn pajjiżi terzi jistgħu jitwettqu biss mill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa.

25.

IL-KEPD ifakkar ukoll li, skont id-Direttiva 95/46/KE, it-trasferimenti lejn pajjiżi terzi huma, fi prinċipju permessi biss jekk fil-pajjiż riċevitur jiġi assigurat livell ta’ protezzjoni adegwat. It-trasferiment lejn pajjiżi li ma jipprovdux għal protezzjoni adegwata, jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk tkun tapplika xi waħda mill-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 95/46/KE, pereżempju, jekk it-trasferiment ikun neċessarju jew meħtieġ legalment minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku importanti (11). Madankollu, din l-eċċezzjoni tista’ tintuża biss jekk it-trasferiment ikun ta’ interess għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru tal-UE u mhux biss għall-awtoritajiet tal-pajjiż riċevitur (12). Fi kwalunkwe każ, l-eċċezzjonijiet għandhom jintużaw biss fuq bażi ta’ każ b’każ, li jfisser li l-ebda trasferiment ta’ dejta sistematiku jew massiv ma għandu jkun ibbażat fuq l-eżenzjoni ta’ raġunijiet ta’ interess pubbliku.

26.

Barra minn hekk, l-impriża legali rilevanti mill-pajjiż terz għandha tinkludi salvagwardji speċifiċi rigward il-protezzjoni tal-privatezza u d-dejta personali u l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet mis-suġġetti tad-dejta.

3.   KONKLUŻJONI

27.

Il-KEPD jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenzi speċifiċi fil-Proposta għall-applikabbiltà tad-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 għall-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ dejta personali koperti mir-Regolament. Huwa jipproponi li din ir-referenza tkun waħda iktar preċiża.

28.

Il-KEPD jirrakkomanda l-punti li ġejjin bil-ħsieb li jtejjeb it-test minn perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta:

il-kategoriji ta’ dejta li għandhom jiġu skambjati bejn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu stabbiliti fil-Proposta;

il-KEPD jistenna li jiġi kkonsultat dwar il-miżuri ta’ implimentazzjoni relatati mal-protezzjoni tad-dejta personali;

għandhom jiddaħħlu salvagwardji dwar l-użu permess ta’ informazzjoni relatata ma’ każijiet suspettati ta’ frodi fit-test tar-Regolament;

Il-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet ta’ informazzjoni u ta’ aċċess, għandhom jintwerew biċ-ċar mil-leġiżlatur. Barra minn hekk, sitwazzjonijiet speċifiċi fejn dawn ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa, għandhom jiġu speċifikati fit-test tal-Proposta - jew fi premessa.

il-perjodu massimu ta’ żamma fil-każ ta’ informazzjoni dwar il-movimenti intra-komunitarji għandu jiġi speċifikat fir-Regolament;

il-perjodu ta’ żamma għandu jiġi ġġustifikat fil-preambolu tiegħu;

trasferimenti internazzjonali tad-dejta fuq tranżazzjonijiet suspettużi għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 8 u 25 tad-Direttiva 95/46/KE u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, l-identità tal-mittent u l-għan għandhom jiġu speċifikati.

Magħmula fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2012.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  COM(2011) 730 finali.

(4)  Fejn ikun permess mid-Direttiva 95/46/KE, kif iddikjarat fl-Artikolu 32(1) tal-Proposta.

(5)  Ara l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE.

(6)  Ara l-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 95/46/KE u l-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

(7)  Ara l-Artikolu 6(1)(d).

(8)  Ara l-Artikolu 4(1)(d).

(9)  Ara l-Artikolu 10, 11(1), 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE.

(10)  Ara l-Artikolu 13(1)(e) tad-Direttiva 95/46/KE.

(11)  Skont il-Premessa 58 tad-Direttiva 95/46/KE, din l-eċċezzjoni tkopri t-trasferimenti bejn l-awtoritajiet doganali u tat-taxxa.

(12)  Ara wkoll l-Artikolu 29 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma tal-25 ta’ Novembru 2005 dwar interpretazzjoni komuni tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 (WP114), li huwa disponibbli fuq is-sit: http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/wpdocs/2005/wp114_en.pdf


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

13.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/5


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.6441 – Senoble/Agrial/Senagral JV)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 74/02

Fl-20 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Franċiż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32012M6441. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

13.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/6


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Frar 2012

li taħtar u tissostitwixxi l-membri tal-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali

2012/C 74/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 tal-10 ta' Frar 1975 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali, u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu (1),

Wara li kkunsidra n-nomina mressqa lill-Kunsill mill-Kummissjoni fil-kategorija tar-Rappreżentanti tal-impjegati,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2009 (2), il-Kunsill ħatar il-membri tal-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali għall-perijodu mit-18 ta' Settembru 2009 sas-17 ta' Settembru 2012.

(2)

Post ta' membru fuq il-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru fil-kategorija tar-Rappreżentanti tal-impjegati sar vakanti minħabba r-riżenja tas-Sinjura Luz Blanca COSIO ALMEIDA.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-persuna li ġejja hija b'dan maħtura bħala membru tal-Bord ta' Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali għall-bqija tal-mandat, jiġifieri sas-17 ta' Settembru 2012:

RAPPREŻENTANTI TAL-ORGANIZZAZZJONIJIET TAL-IMPJEGATI:

SPANJA

Is-Sur Fernando PUIG-SAMPER

Segretarju Konfederali

Responsabbli mit-Taħriġ Vokazzjonali fis-CCOO

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Frar 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  ĠU L 39, 13.2.1975, p. 1.

(2)  ĠU C 226, 19.9.2009, p. 2.


13.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-9 ta’ Marzu 2012

li taħtar membru wieħed tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

2012/C 74/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 79 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jipprevedi li l-Kunsill għandu jaħtar bħala Membri tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“il-Bord ta’ Tmexxija”) rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru.

(2)

Bid-Deċiżjoni tas-17 ta’ Mejju 2011 (2) il-Kunsill ħatar 15-il membru tal-Bord ta’ Tmexxija, li wieħed minnhom huwa mill-Portugall.

(3)

Il-Gvern Portugiż informa lill-Kunsill dwar l-intenzjoni tiegħu li jissostitwixxi lir-rappreżentant Portugiż fil-Bord ta’ Tmexxija u ppreżenta nomina għal rappreżentant ġdid, li għandu jinħatar għal perijodu li jintemm fil-31 ta’ Mejju 2015,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-Sur Paulo Guilherme DA SILVA LEMOS ta’ nazzjonalità Portugiża, imwieled fid-9 ta’ Lulju 1963, għandu jinħatar membru tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi minflok is-Sur Mário GRÁCIO għall-perijodu mill-15 ta’ Marzu 2012 sal-31 ta’ Mejju 2015.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

I. AUKEN


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU C 151, 21.5.2011, p. 1.


Il-Kummissjoni Ewropea

13.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/8


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-12 ta’ Marzu 2012

2012/C 74/05

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3119

JPY

Yen Ġappuniż

107,79

DKK

Krona Daniża

7,4348

GBP

Lira Sterlina

0,83920

SEK

Krona Żvediża

8,9312

CHF

Frank Żvizzeru

1,2056

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,4795

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,563

HUF

Forint Ungeriż

293,48

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,6966

PLN

Zloty Pollakk

4,1095

RON

Leu Rumen

4,3553

TRY

Lira Turka

2,3585

AUD

Dollaru Awstraljan

1,2498

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3026

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,1784

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,6092

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,6551

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 474,62

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

9,9555

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,3013

HRK

Kuna Kroata

7,5475

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 010,83

MYR

Ringgit Malażjan

3,9796

PHP

Peso Filippin

55,911

RUB

Rouble Russu

38,8450

THB

Baht Tajlandiż

40,210

BRL

Real Brażiljan

2,3745

MXN

Peso Messikan

16,6480

INR

Rupi Indjan

65,5750


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Parlament Ewropew

13.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/9


Avviż ta' reklutaġġ PE/150/S

2012/C 74/06

Il-Parlament Ewropew qed jorganizza l-proċedura ta' għażla:

PE/150/S – Kap tal-Unità (AD 9) – L-Uffiċċju ta' Informazzjoni tal-Parlament Ewropew f'Budapest

Din il-proċedura ta' għażla tirrikjedi livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal kors ta' grad Universitarju komplut iċċertifikat b'diploma uffiċjalment rikonoxxuta f'wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Il-kandidati jeħtieġ li, sad-data tal-għeluq għat-tressiq tal-applikazzjonijiet u minn meta jkunu kisbu l-kwalifika msemmija hawn fuq, ikollhom tal-anqas 10 snin esperjenza professjonali rilevanti għan-natura tal-funzjonijiet, li minnhom 3 snin jeħtieġ li jkunu f'pożizzjoni maniġerjali.

Dan l-avviż ta' reklutaġġ qed jiġi ppubblikat biss bl-Ungeriż. It-test sħiħ jinsab f'Il-Ġurnal Uffiċjali C 74 A b'din il-lingwa.


Il-Kummissjoni Ewropea

13.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/10


Sejħiet għal proposti skont il-programm ta’ ħidma 2012 “Nies” tas-7 Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta’ Turija

2012/C 74/07

Bil-preżenti, qiegħed jingħata avviż dwar it-tnedija ta’ sejħiet għal proposti skont il-programm ta’ ħidma 2012 “Nies” tas-7 Programm Kwadru għar-Riċerka, Żvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta’ Turija (2007 sal-2013).

Qegħdin jintlaqgħu proposti għas-sejħiet li ġejjin. L-iskadenzi u l-baġits tas-sejħa huma mogħtija fit-testi tas-sejħa, li huma ppubblikati fuq is-sit elettroniku rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea.

Programm Speċifiku “Nies”:

Titlu tas-sejħa

Identifikatur tas-sejħa

Boroż ta' Studju Intra-Ewropej

FP7-PEOPLE-2012-IEF

Boroż ta' Studju Internazzjonali Akkoljenti

FP7-PEOPLE-2012-IIF

Boroż ta' Studju Internazzjonali Barra l-Pajjiż

FP7-PEOPLE-2012-IOF

Dawn is-sejħiet għal proposti huma relatati mal-programm ta’ ħidma tal-2012 adottat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 5033 tad-19 ta’ Lulju 2011.

Tagħrif dwar il-modalitajiet tas-sejħiet, il-programmi ta’ ħidma, u l-gwida għall-applikanti dwar kif għandhom jissottomettu proposti huwa disponibbli permezz tas-sit elettroniku rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea.


13.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/11


Sejħa għall-proposti tal-2012 ta’ LIFE+

2012/C 74/08

Il-Kummissjoni tistieden lill-entitajiet rreġistrati fl-Unjoni Ewropea biex iressqu l-proposti għas-sejħa għall-proposti tal-2012 ta’ LIFE+.

Applikazzjonijiet

Il-gwidi għall-applikazzjoni li jinkludu spjegazzjonijiet dettaljati fir-rigward tal-eliġibbiltà u l-proċeduri jistgħu jinkisbu mis-sit tal-internet tal-Kummissjoni fl-indirizz li ġej:

http://ec.europa.eu/environment/life/funding/lifeplus.htm

Il-proposti jistgħu jinħolqu u jitressqu biss permezz tal-użu tal-għodda tal-applikazzjoni onlajn “eProposal”. Il-ħolqa għall-“eProposal” ser tiġi kkomunikata fil-waqt permezz tas-sit tal-internet imsemmi hawn fuq.

Benefiċjarji

Il-proposti għandhom jiġu ppreżentati minn entitajiet irreġistrati fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, li jistgħu jkunu entitajiet, atturi u istituzzjonijiet pubbliċi u/jew privati.

Dan l-avviż ikopri t-temi li ġejjin

(1)   LIFE+ Natura u Bijodiversità

Għan ewlieni: Il-ħarsien, il-konservazzjoni, ir-restawr, il-monitoraġġ u l-faċilitizzazzjoni tat-tħaddim ta' sistemi naturali, ħabitats naturali, flora u fawna selvaġġi, bil-għan li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità, inkluż id-diversità tar-riżorsi ġenetiċi, fl-UE.

(2)   LIFE+ Politika Ambjentali u Governanza

Għanijiet ewlenin:

—   It-tibdil fil-klima: Li l-konċentrazzjoni tal-gass tas-serra tiġi stabbilita f’livell li jevita t-tisħin globali 'l fuq minn 2 °C;

—   L-ilma: Il-kontribut lejn kwalità aħjar tal-ilma permezz tal-iżvilupp ta’ miżuri effikaċi fis-sens ta' nefqa għall-kisba ta’ status ekoloġiku tajjeb bil-ħsieb li jiġu żviluppati pjanijiet ta’ amministrazzjoni tal-baċiri tax-xmajjar skont id-Direttiva 2000/60/KE (id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma);

—   L-Arja: Il-kisba ta' livelli ta’ kwalità tal-arja li ma jipprovokawx impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u riskji għalihom;

—   Il-ħamrija: Il-ħarsien u l-assigurazzjoni tal-użu sostenibbli tal-ħamrija permezz tal-preservazzjoni tal-funzjonijiet tal-ħamrija, il-prevenzjoni ta' theddid għall-ħamrija, il-mitigazzjoni tal-effetti tagħhom u r-restawr ta' ħamrija degradata;

—   L-ambjent urban: Il-kontribuzzjoni għal prestazzjoni ambjentali aħjar fiż-żoni urbani tal-Ewropa;

—   L-istorbju: Il-kontribuzzjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-istorbju ambjentali;

—   Is-sustanzi kimiċi: Titjib fil-ħarsien tal-ambjent u s-saħħa minn riskji ġejjin minn sustanzi kimiċi sal-2020 bl-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) u l-Istrateġija tematika dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi;

—   L-ambjent u s-saħħa: L-iżvilupp tal-bażi ta' informazzjoni għall-politika dwar l-ambjent u s-saħħa (il-Pjan ta' Azzjoni għall-Ambjent u s-Saħħa);

—   Ir-riżorsi naturali u l-iskart: L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki mfassla biex jiżguraw il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-iskart, u titjib fil-prestazzjonijiet ambjentali ta’ prodotti, il-produzzjoni u użanzi ta’ konsum sostenibbli, il-prevenzjoni, l-irkupru u r-riċiklaġġ tal-iskart; Kontribut għall-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija Tematika dwar il-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart;

—   Il-foresti: Il-provvediment, speċjalment permezz ta’ netwerk ta’ koordinazzjoni fl-UE, ta' bażi konċiża u komprensiva għall-informazzjoni rilevanti għall-politika dwar il-foresti fir-rigward ta’ tibdil fil-klima (impatt fuq ekosistemi ta’ foresti, tnaqqis, effetti ta’ sostituzzjoni), il-bijodiversità (informazzjoni bażika u żoni ta' foresti protetti), in-nirien tal-foresti, il-kundizzjonijiet ta' foresti u funzjonijiet ta' ħarsien tal-foresti (ilma, ħamrija u infrastruttura) kif ukoll il-kontribut għall-ħarsien tal-foresti min-nirien;

—   Innovazzjoni: Il-kontribut għall-iżvilupp u għad-dimostrazzjoni ta' approċċi ta’ politika, teknoloġiji, metodi u strumenti innovattivi li jgħinu fl-implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar it-Teknoloġiji Ambjentali (Environmental Technologies Action Plan - ETAP);

—   Approċċi strateġiċi: Il-promozzjoni ta’ implimentazzjoni u infurzar effettivi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ambjent, u t-titjib tal-bażi ta’ għarfien dwar il-politika ambjentali; it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-SMEs.

(3)   LIFE+ Informazzjoni u Komunikazzjoni

Għan ewlieni: It-tixrid ta' informazzjoni u t-tkabbir ta' għarfien dwar kwistjonijiet ambjentali, inkluż il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti; u l-appoġġ għal miżuri ta' akkumpanjament, bħal informazzjoni, azzjonijiet u kampanji ta' komunikazzjoni, konferenzi u taħriġ, inkluż taħriġ dwar il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti.

Rati ta’ kofinanzjament mill-UE

(1)   Proġetti ta’ LIFE+ Natura u Bijodiversità

Ir-rata ta’ appoġġ finanzjarju mill-Unjoni għandha tkun massimu ta’ 50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Eċċezzjonalment, rata massima ta’ kofinanzjament sa 75 % tapplika għal proposti li jimmiraw ħabitats/speċijiet ta’ prijorità tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats.

(2)   LIFE+ Politika Ambjentali u Governanza

Ir-rata ta’ appoġġ finanzjarju mill-Unjoni għandha tkun massimu ta’ 50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

(3)   LIFE+ Informazzjoni u Komunikazzjoni

Ir-rata ta’ appoġġ finanzjarju mill-Unjoni għandha tkun massimu ta’ 50 % tal-ispejjeż eliġibbli.

Data tal-għeluq

Il-proposti għall-proġetti għandhom jiġu validati u mressqa lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti permezz tal-eProposal sas-26 ta’ Settembru 2012 fl-23:59 ħin lokali ta’ Brussell. Il-proposti għall-proġetti għandhom jintbagħtu permezz tal-eProposal lill-awtorità nazzjonali tal-Istat Membru li fih huwa rreġistrat il-benefiċjarju. Il-proposti mbagħad jitressqu mill-awtoritajiet nazzjonali lill-Kummissjoni permezz tal-eProposal sat-2 ta’ Ottubru 2012 fl-23:59 ħin lokali ta’ Brussell.

Baġit involut

Il-baġit globali għal għotjiet għal azzjoni għal proġetti taħt LIFE+ fl-2012 huwa EUR 276 710 000. Tal-anqas 50 % ta’ dan l-ammont għandu jkun allokat għall-miżuri ta’ appoġġ għall-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità.

L-allokazzjonijiet finanzjarji nazzjonali indikattivi għall-2012 huma kif ġej:

Stat Membru

Allokazzjoni 2012

(EUR)

AT

5 353 492

BE

5 762 614

BG

9 173 428

CY

2 681 299

CZ

5 900 374

DK

4 782 488

DE

31 356 448

EE

3 639 225

ES

27 219 926

FI

7 356 827

FR

27 975 307

GR

9 814 377

HU

7 135 251

IE

4 212 612

IT

24 324 882

LT

3 038 780

LU

3 021 649

LV

2 660 198

MT

2 614 074

NL

8 489 636

PL

18 379 918

 

 

PT

7 391 578

RO

11 669 142

SE

9 143 758

 

 

SI

5 598 674

SK

6 365 639

UK

21 648 405

Total

276 710 000

Għal aktar tagħrif

Aktar tagħrif, inkluż il-linji gwida dwar l-applikazzjoni u l-formoli tal-applikazzjoni, jinsab fuq is-sit tal-internet ta’ LIFE:

http://ec.europa.eu/environment/life/funding/lifeplus.htm

Wieħed jista’ wkoll jikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti:

http://ec.europa.eu/environment/life/contact/nationalcontact/index.htm


13.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/14


Sejħa għall-proposti – DĠ ENTR Nru 30-G-ENT-CIP-12-E-N01C051

Il-programm “Erasmus għal imprendituri żgħażagħ”

2012/C 74/09

1.   L-Għanijiet u d-Deskrizzjoni

Din is-sejħa għall-proposti għandha l-għan li tgħin imprendituri ġodda mill-pajjiżi li qegħdin jieħdu sehem (1) biex isaħħu l-esperjenza, it-tagħlim u n-netwerk tagħhom billi jqattgħu perjodi ta' żmien ma' imprendituri ta' esperjenza fl-intrapriżi tagħhom f'pajjiżi oħra li qegħdin jieħdu sehem. L-għan ġenerali ta' dan il-programm hu li tittejjeb l-intraprenditorija, l-internazzjonalizzazzjoni u l-kompetittività ta' imprendituri potenzjali li għadhom jibdew u dawk li qed imexxu intrapriżi mikro u żgħar li m'ilhomx li ġew stabbiliti fl-UE. L-attività hija mmirata lejn persuni li beħsiebhom jiftħu negozju u imprendituri li stabbilixxew ruħhom dan l-aħħar.

Is-sejħa se tappoġġja azzjonijiet għal organizzazzjonijiet li jmexxu l-programm lokalment, billi ssaħħaħ u tiffaċilita l-mobilità ta' imprendituri ġodda.

2.   Applikanti eliġibbli

Kwalunkwe entità pubblika jew privata attiva fil-qasam tal-appoġġ lin-negozji tista' tieħu sehem f'din is-sejħa għall-proposti. Fost dawn jista' jkun hemm b'mod partikolari:

entitatjiet pubbliċi li jew huma responsabbli mill-oqsma tal-affarijiet ekonomiċi, l-intrapriża, l-appoġġ lin-negozji jew kwistjonijiet relatati, jew li huma attivi fihom.

kmamar tal-kummerċ u l-industrija, kmamar tal-artiġjanat jew entitajiet simili

organizzazzjonijiet ta' appoġġ lin-negozji, ċentri u inkubaturi ta' negozji fil-fażijiet tal-bidu tagħhom

assoċjazzjonijiet tan-negozji u netwerks ta' appoġġ lin-negozji

entitajiet pubbliċi u privati li joffru servizzi ta' appoġġ lin-negozji.

L-applikanti jistgħu jaġixxu individwalment jew f'konsorzju (sħubija). Konsorzju għandu jkun magħmul minn tal-inqas żewġ entitajiet legali indipendenti, minn wieħed jew bosta pajjiżi li qegħdin jieħdu sehem.

L-applikanti għandhom ikunu stabbiliti f'wieħed mill-pajjiżi li qegħdin jieħdu sehem (ara l-lista fin-nota ta' qiegħ il-paġna hawn taħt)

3.   Il-baġit u t-tul tal-proġett

Il-baġit totali destinat għall-kofinanzjament tal-proġetti jilħaq EUR 3 100 000. L-għajnuna finanzjarja mill-Kummissjoni ma tistax tkun aktar minn 90 % tal-ispejjeż totali eliġibbli ta' proġett wieħed.

Ebda għotja mhu se tkun aktar minn EUR 180 000 għas-sħubiji u EUR 150 000 għall-applikazzjonijiet individwali. It-tul massimu tal-proġetti huwa ta' 24 xahar.

Id-data skedata għall-bidu tal-azzjoni: l-1 ta’ Frar 2013.

4.   L-iskadenza

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2012.

5.   Aktar tagħrif

It-test sħiħ tas-sejħa għall-proposti u l-formoli tal-applikazzjoni huma aċċessibbli fuq il-websajt li ġejja:

http://ec.europa.eu/enterprise/contracts-grants/calls-for-proposals/index_en.htm

L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti stipulati fit-test sħiħ u jridu jiġu ppreżentati permezz tal-għodda elettronika u l-formoli pprovduti.


(1)  L-Istati Membri tal-UE, il-Liechtenstein, in-Norveġja, il-pajjiżi Kandidati (il-Kroazja, Dik li Kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, l-Islanda, il-Montenegro u t-Turkija), u l-Albanija, l-Iżrael u s-Serbja (il-parteċipanti tal-Programm Kompetittività u Innovazzjoni)


PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

13.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/16


Avviż dwar l-impenji offruti b’rabta mal-proċediment tal-anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina: bidla fl-indirizz ta' kumpanija

2012/C 74/10

L-impenji offruti fil-qafas ta' proċediment tal-anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ aċidu ċitriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ġew aċċettati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/899/KE (1).

L-RZBC Imp. & Exp., kumpanija tal-bejgħ li tinsab fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u li hija relatata mal-produtturi RZBC Co. Ltd u RZBC (Juxian) Co. Ltd, li l-impenn tagħhom kien aċċettat bid-Deċiżjoni 2008/899/KE, informat lill-Kummissjoni li fis-26 ta' Novembru 2010 biddlet l-indirizz tagħha għal No 66, Lvzhou South Road, Rizhao (Liangyou Grand View Hotel, 22nd Floor, Building A), Shandong Province, PRC.

Il-kumpanija saħqet li l-bidla fl-indirizz ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mit-termini tal-impenn aċċettat fl-indirizz preċedenti tagħha.

Il-Kummissjoni eżaminat it-tagħrif mogħti u kkonkludiet li l-bidla fl-indirizz bl-ebda mod ma taffettwa s-sejbiet tad-Deċiżjoni 2008/899/KE. Għalhekk, ir-referenzi, fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2008/899/KE għal

RZBC Imp. & Exp. Co., Ltd — No 9, Xinghai West Road, Rizhao, Shandong Province

għandhom jidhru bħala

RZBC Imp. & Exp. Co., Ltd — No 66, Lvzhou South Road, Rizhao (Liangyou Grand View Hotel, 22nd Floor, Building A), Shandong Province.

Il-kodiċi addizzjonali TARIC A926 li qabel kienet marbuta ma' prodotti mmanifatturati minn RZBC Co., Ltd — No 9, Xinghai West Road, Rizhao, Shandong Province u mibjugħa mill-kumpanija tal-bejgħ relatata tagħha RZBC Imp. & Exp. Co., Ltd — No 9 Xinghai West Road, Rizhao, Shandong Province għandha tapplika għal prodotti mmanifatturati minn RZBC Co., Ltd — No 9 Xinghai West Road, Rizhao, Shandong Province u mibjugħa mill-kumpanija tal-bejgħ relatata tagħha RZBC Imp. & Exp. Co., Ltd — No 66 Lvzhou South Road, Rizhao (Liangyou Grand View Hotel, 22nd Floor, Building A), Shandong Province.

Il-kodiċi addizzjonali TARIC A927 li qabel kienet marbuta ma' prodotti mmanifatturati minn RZBC (Juxian) Co., Ltd — West Wing, Chengyang North Road, Ju County, Rizhao, Shandong Province u mibjugħa mill-kumpanija tal-bejgħ relatata tagħha RZBC Imp. & Exp. Co., Ltd — No 9 Xinghai West Road, Rizhao, Shandong Province għandha tapplika għal prodotti mmanifatturati minn RZBC (Juxian) Co., Ltd — West Wing, Chengyang North Road, Ju County, Rizhao, Shandong Province u mibjugħa mill-kumpanija tal-bejgħ relatata tagħha RZBC Imp. & Exp. Co., Ltd — No 66, Lvzhou South Road, Rizhao (Liangyou Grand View Hotel, 22nd Floor, Building A), Shandong Province.


(1)  ĠU L 323, 3.12.2008, p. 62.


PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

13.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/17


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6314 – Telefónica UK/Vodafone UK/Everything Everywhere/JV)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 74/11

1.

Fis-6 ta’ Marzu 2012, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriżi Telefónica UK Limited (“Telefónica UK”), li tappartjeni għal Telefónica Group, Vodafone UK Limited (“Vodafone UK”), li tappartjeni għal Vodafone Group Plc u Everything Everywhere Limited (“EE”), ikkontrollati b’mod konġunt minn France Télécom u Deutsche Telekom jakkwistaw fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll konġunt tal-impriża JVCo (UK) permezz tax-xiri ta’ ishma f’kumpanija ġdida li tikkostitwixxi impriża konġunta.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal Telefónica UK: il-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija fissa u ċellulari fir-Renju Unit,

għal Vodafone UK: l-operazzjoni ta’ netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli u l-provvista ta’ servizzi relatati ta’ telekomunikazzjonijiet, inklużi servizzi ta’ telefonija tal-vuċi, messaġġi, dejta u kontenut, paging bir-radju u servizzi ta' valur miżjud għal netwerks fir-Renju Unit,

għal EE: il-provvista ta’ servizzi ta’ telefonija fissa u ċellulari fir-Renju Unit,

għal JVCo: il-provvista ta’ bosta servizzi ta’ kummerċ bil-mowbajl lil negozji inklużi servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni diġitali, servizzi ta' tranżazzjonijiet bil-mowbajl u onlajn u servizzi assoċjati mal-analiżi ta’ dejta.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madanakollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex jibagħtu kwalunkwe kumment li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta lill-Kummissjoni.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6314 – Telefónica UK/Vodafone UK/Everything Everywhere/JV, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).