ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2012.009.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 9

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 55
11ta' Jannar 2012


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

It-92 sessjoni plenarja fil-11 u t-12 ta’ Ottubru 2011

2012/C 009/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar It-triq għal Durban: lejn is-17-il Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

It-92 sessjoni plenarja fil-11 u t-12 ta’ Ottubru 2011

2012/C 009/02

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Lejn aġenda Ewropea għad-djar soċjali

4

2012/C 009/03

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-kooperazzjoni territorjali fil-baċir tal-Mediterran permezz tal-makroreġjun Adrijatiku-Joniku (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

8

2012/C 009/04

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Regolamentazzjoni intelliġenti

14

2012/C 009/05

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa

18

2012/C 009/06

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-komplementarjetà tal-interventi Nazzjonali u Ewropej għat-tnaqqis tal-iżbilanċi fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali

23

2012/C 009/07

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni: il-kompetittività u s-sostenibilità fix-xena prinċipali

29

2012/C 009/08

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza — inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020

37

2012/C 009/09

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (opinjoni riveduta)

45

2012/C 009/10

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020

53

2012/C 009/11

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-istrateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

61

2012/C 009/12

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Il-pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar il-Gvern Elettroniku 2011–2015

65

2012/C 009/13

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-mobbiltà Ewropea u internazzjonali għall-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea

71

2012/C 009/14

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport

74

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

It-92 sessjoni plenarja fil-11 u t-12 ta’ Ottubru 2011

11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “It-triq għal Durban: lejn is-17-il Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima”

2012/C 9/01

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-tibdil fil-klima għadu magħna; il-gvernijiet sottonazzjonali jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom

1.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-provi xjentifiċi tat-tibdil fil-klima u tal-konsegwenzi tiegħu huma inkontestabbli; għalhekk, huwa indispensabbli u urġenti li jiġu adottati miżuri f’waqthom, ikkoordinati, ambizzjużi u vinkolanti f’livell internazzjonali biex tiġi indirizzata din l-isfida globali;

2.

iħeġġeġ lill-mexxejja Ewropej u internazzjonali biex jibqgħu iffukati fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u jallokaw ir-riżorsi meħtieġa għal dawn l-għanijiet minkejja l-kriżi tad-dejn sovran; jenfasizza f’dan il-kuntest li l-investiment fl-infrastruttura favur il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u tranżizzjoni iżjed ġenerali lejn ekonomija ekoloġika jafu jkunu l-uniċi modi biex jingħelbu l-problemi attwali;

3.

jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur miri u miżuri ambizzjużi sabiex it-tisħin globali jkun limitat għal mhux iżjed minn 2 gradi kif qal f’riżoluzzjoni dwar is-Summit tal-Klima f’Cancún, f’opinjoni tal-2010 dwar il-politika tal-klima internazzjonali, u wkoll fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill; (1)

4.

jenfasizza l-bżonn urġenti, b’konformità mal-impenji Ewropej, li f’Durban jintlaħaq ftehim li jkun internazzjonalment u legalment vinkolanti, u li jsegwi l-Protokoll ta’ Kyoto, taħt ir-responsabbiltà tan-Nazzjonijiet Uniti u jitlob li l-ftehim internazzjonali jibni fuq il-konklużjonijiet tal-konferenza ta’ Cancún li juru li kien hemm rikonoxximent tar-rwol kruċjali li jaqdi l-gvern sottonazzjonali, li jħeġġeġ u jappoġġja l-azzjoni fil-livell lokali u reġjonali bil-għan li tinbena ekonomija “ekoloġika” b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju;

5.

huwa tal-fehma li l-investimenti meħtieġa mhux biss ser jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, iżda ser jikkontribwixxu wkoll b’mod sostanzjali biex jiġġeneraw tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Ewropa, joħolqu l-impjiegi, jipprovdu d-dħul li hu tant meħtieġ u b’hekk jgħinu fit-tnaqqis tad-dejn pubbliku;

6.

għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport f’waqtu li ppubblika ċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea (2) li jitlob politiki sostnuti u programmi għat-tul ta’ investiment fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju sabiex ikun hemm tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra;

7.

f’dan ir-rigward, kif kien miftiehem fis-Summit f’Cancún, jitlob lill-partijiet kollha jagħmlu l-fond ekoloġiku għall-klima u l-Kumitat tal-Adattament operattivi, u jitlobhom ukoll jagħtu aċċess faċli għal dawn l-istrumenti lis-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

8.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-ambizzjoni li jiżdied b’mill-inqas 20 % l-proporzjon tal-infiq marbut mal-klima fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE wara l-2013, u jħeġġeġ lill-mexxejja internazjonali jieħdu miżuri simili;

Is-setgħa tas-sħubija

9.

jirrikonoxxi li l-għanijiet marbuta mat-tibdil dinji fil-klima jistgħu jinkisbu biss jekk, minn naħa, it-tnaqqis fl-emissjonijiet futuri jitqassam b’mod ekwu fost il-partijiet kollha tal-komunità internazzjonali, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kapaċitajiet u l-punti ta’ tluq differenti tal-pajjiżi u r-reġjuni u, min-naħa l-oħra, jiġi stabbilit kunsens dinji favur azzjoni deċiżiva, li jkun appoġġjat minn standards komuni għall-monitoraġġ, in-notifika u l-verifika (MRV – measurable, reportable and verifiable); jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni tal-Patt tal-Belt tal-Messiku u l-hekk imsejjaħ carbonn Cities Climate Registry (cCCR) bħala t-tweġiba dinjija tal-gvernijiet sottonazzjonali għall-azzjoni favur il-klima fil-qafas tal-MRV.

10.

jilqa’ b’sodisfazzjon kbir ħafna r-rikonoxximent tal-gvernijiet lokali u reġjonali bħala “partijiet interessati” prinċipali fl-isforzi fil-qasam tat-tibdil dinji fil-klima fil-COP16 f’Cancún u jitlob rikonoxximent ugwali fil-ftehim ta’ wara l-Protokoll ta’ Kyoto, u għalhekk jitlobhom ikunu awtonomi u mgħammra bir-riżorsi u jitlob li jingħataw aċċess għall-fondi;

11.

jitlob li l-għanijiet tal-politika tal-klima jiġu integrati fil-qasam tal-iżvilupp soċjali mill-iżjed fis possibbli, u jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju, sħubijiet fil-qasam tal-klima, l-iżvilupp ta’ kapital uman u għarfien espert bil-għan li jiġġenera tkabbir ekonomiku b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, jiġġieled id-deżertifikazzjoni u jiżviluppa ġestjoni sostenibbli tal-forestrija; f’dan ir-rigward, jitlob li jittieħdu miżuri oħrajn dwar l-implimentazzjoni tal-programm tar-REDD+ (Reducing Emissions from Deforestation and Degradation – tnaqqis ta’ emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw);

12.

josserva li ż-żoni urbani jipproduċu 75 % tal-emissjonijiet tal-karbonju u jenfasizza li azzjoni effettiva dinjija titlob approċċ imsejjes fuq il-governanza f’diversi livelli li jinvolvi koordinazzjoni tal-isforzi bejn il-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u sovranazzjonali tal-gvern abbażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà; f’dan ir-rigward, jenfasizza li “Patt Territorjali tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali dwar l-Istrateġija Ewropa 2020” kif propost mill-KtR, huwa għodda importanti ħafna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

13.

għalhekk, iħeġġeġ lill-gvernijiet sottonazzjonali kollha fid-dinja biex jinvestu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iżidu l-għarfien tal-pubbliku, jimmobilizzaw l-appoġġ politiku tal-pubbliku, l-investiment fin-negozju u s-sorsi ta’ finanzjament, u jimmotivaw lill-produtturi u l-konsumaturi biex jibdlu l-imġiba tagħhom sabiex ikollna iktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u ekonomija li ma tkunx ta’ ħsara għall-klima;

14.

jenfasizza l-isforzi tal-bliet u r-reġjuni madwar l-Ewropa li adottaw strateġiji lokali jew reġjonali dwar il-klima u l-enerġija b’għanijiet speċifiċi għall-mitigazzjoni tal-klima u li, pereżempju, iffirmaw il-Patt tas-Sindki, bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 b’mill-inqas 20 % sas-sena 2020;

15.

jenfasizza wkoll l-isforz tar-reġjuni insulari li ntrabtu, fil-qafas tal-Patt tal-Gżejjer, li jħejju pjan ta’ azzjoni dwar l-enerġija maħsub biex jintlaħqu u saħansitra jinqabżu l-miri tal-UE fil-qasam tal-enerġija sostenibbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

16.

huwa tal-fehma li l-għarfien tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE f’dan il-qasam għandu jkun aċċessibbli għal gvernijiet sottonazzjonali f’partijiet oħra tad-dinja;

17.

ifakkar fil-Memorandum ta’ Fehim mal-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti, jafferma mill-ġdid li jimpenja ruħu li jiżviluppa iżjed din il-kooperazzjoni trans-Atlantika partikolari, u huwa lest jikkunsidra tipi simili ta’ kooperazzjoni ma’ kontropartijiet f’partijiet oħra tad-dinja;

18.

huwa tal-fehma li huwa assolutament essenzjali li jiżdied l-għarfien dwar l-isfidi marbuta mat-tisħin dinji u li ċ-ċittadini jiġu involuti fi programmi għall-promozzjoni ta’ enerġija rinnovabbli. Is-suċċess ta’ dawn il-programmi jitlob kemm l-għarfien kif ukoll is-sjieda taċ-ċittadini, u informazzjoni wiesgħa li twassal għall-iżjed mobilizzazzjoni massiva tal-opinjoni pubblika; eżempju tajjeb jista’ tkun li ċ-ċittadini jiġu involuti fil-programmi għall-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli f’fażi bikrija;

Lejn dinja sostenibbli

19.

jenfasizza li l-viżjoni ta’ ekonomija b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi titlob rivoluzzjoni industrijali ġdida li tinvolvi l-livelli kollha ta’ gvern, l-individwi, l-intrapriżi, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka, u jħeġġeġ lil dawn l-atturi jaqsmu l-ideat u l-esperjenzi tagħhom lil hinn mill-fruntieri nazzjonali biex irawmu approċċ minn isfel għal fuq;

20.

jitlob li l-prijoritajiet tal-politika ambjentali u l-azzjoni fil-qasam tat-tibdil fil-klima jiġu inklużi f’oqsma ta’ politika oħra biex isir l-aħjar użu possibbli mis-sinerġiji ta’ bejniethom, filwaqt li jirrikonoxxi li l-istess azzjonijiet jistgħu u għandhom ifittxu li jilħqu għadd ta’ għanijiet komplementari;

21.

josserva li għandna bżonn approċċ olistiku għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih u dan jitlob tibdil f’ħafna setturi bħall-mobbiltà, il-bini, l-ikel, il-ġestjoni tal-iskart, ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-prodotti, kif ukoll l-użu tal-art u ż-żoni urbani, l-inċentivi finanzjarji għall-investimenti b’livell baxx ta’ karbonju, enfasi ġdida fuq il-marka ekoloġika matul iċ-ċiklu ta’ ħajjet il-prodotti u s-servizzi, u l-integrazzjoni ta’ mudelli ta’ mġiba sostenibbli fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

22.

jitlob lill-partijiet jagħtu attenzjoni ikbar lill-attivitajiet u l-programmi tar-Riċerka u l-Iżvilupp marbuta mal-klima, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-gvernijiet sottonazzjonali jkollhom mezzi finanzjarji adegwati biex jindirizzaw din l-isfida;

23.

għalhekk, jitlob li jinħolqu l-kundizzjonijiet adegwati sabiex it-tibdil meħtieġ fl-infrastruttura tal-enerġija jkun jista’ jiġi implimentat mingħajr dewmien u biex ikun hemm netwerks tal-enerġija intelliġenti, pereżempju skont is-sitwazzjoni fuq il-post, bil-għan li d-djar individwali, l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, l-awtoritajiet lokali u l-kooperattivi jistgħu jiġġeneraw l-enerġija ekoloġika tagħhom u jaqsmuha fuq bażi ta’ bejn il-pari fir-reġjuni kollha; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea torganizza konferenza speċjali mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati rilevanti sabiex tinbeda t-trasformazzjoni tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija fl-Ewropa, u b’hekk jinħoloq qafas għall-oħrajn;

24.

jappoġġja l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet bħala mezz għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima; fil-kuntest tal-UE, iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-fondi kollha tal-iskema tal-UE biex jappoġġjaw ir-riċerka marbuta ma’ emissjonijiet baxxi tal-karbonju u investimenti ekoloġiċi;

IL-KtR f’Durban

25.

ifakkar li l-UE, sabiex tkun forza kredibbli favur il-bidla, għandha sservi ta’ eżempju, fost l-oħrajn billi tadotta u timplimenta miri ambizzjużi u vinkolanti bħal dawk relatati mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

26.

fil-kisbiet ta’ Cancún jara rwol għal-livell reġjonali u lokali u jassumi r-responsabbiltà f’dan ir-rigward;

27.

joffri li jikkontribwixxi l-għarfien speċjalizzat tiegħu għall-proċess tan-negozjati f’Durban u li jaqdi rwol attiv fit-tiswir tiegħu;

28.

jistenna li jiġi kkonsultat regolarment dwar in-negozjati tal-klima fil-livell Ewropew u internazzjonali, u għalhekk ser jibni kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament u l-Kunsill;

29.

jitlob lill-partijiet rilevanti jiżguraw koerenza bejn id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu fil-Konferenza dwar il-Klima f’Durban u l-konferenza Rio+ 20;

30.

jagħti struzzjonijiet lill-President tal-KtR biex tressaq din ir-riżoluzzjoni quddiem il-President tal-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Presidenza Pollakka tal-Kunsill tal-UE u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.

Brussell, 12 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2011 dwar is-segwitu għall-Konferenza ta’ Cancún, u r-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli u l-Mitigazzjoni tal-Klima tad-9 ta’ Mejju 2011.

(2)  “Long-term trend in global CO2 emissions – 2011”, rapport konġunt miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea u l-PBL Netherlands Environmental Assessment Agency.


OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

It-92 sessjoni plenarja fil-11 u t-12 ta’ Ottubru 2011

11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/4


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Lejn aġenda Ewropea għad-djar soċjali”

2012/C 9/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li kull ċittadin ikun jista' jkollu dar billi jieħdu ħsieb li ż-żieda fil-kera tkun ibbażata fuq sistema oġġettiva tal-prezzijiet – metodu li jawtorizza żieda moderata fil-prezzijiet tal-proprjetà – u billi l-politika fiskali tiġi adattata biex tillimita l-ispekulazzjoni;

bi pjaċir jinnota li, bħalma kien irrakkomanda l-Kumitat tar-Reġjuni, fid-19 ta’ Settembru 2011 il-Kummissjoni pproponiet approċċ ġdid biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi lokali u soċjali ta’ interess ekonomiku ġenerali – fosthom id-djar soċjali – li huma eżentati mill-ħtieġa tan-notifikazzjoni; ifakkar f'dan ir-rigward li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiddefinixxu s-servizzi ta’ interess ġenerali fil-qafas tal-politika tad-djar soċjali, u l-mod kif dawn għandhom ikunu disponibbli, u jenfasizza wkoll li mhuwiex fl-ambitu tal-Kummissjoni li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ djar soċjali u lanqas li tiddefinixxi l-kategoriji ta’ familji li l-bżonnijiet soċjali bażiċi tagħhom ma jiġux issodisfati biss mill-forzi tas-suq;

jappella għalhekk biex ir-rinnovazzjoni fil-qasam tal-enerġija tad-djar fil-kuntest tal-koeżjoni soċjali tibqa' eliġibbli għall-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li kull reġjun ikollu flessibbiltà akbar fl-ammont ta’ fondi allokati għal din l-attività; jemmen ukoll li l-Fondi Strutturali għandhom jagħmlu użu effettiv mill-prinċipju tas-sħubija u li l-Istati Membri għandhom jitħeġġu biex jikkooperaw mal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġu stabbiliti prijoritajiet u jiġi determinat kif għandhom jintużaw ir-riżorsi mill-Fondi Strutturali;

jenfasizza li l-kundizzjonijiet inadegwati tad-djar għandhom impatt kbir fuq is-saħħa tan-nies, u li t-titjib fil-kwalità tad-djar tippermetti l-prevenzjoni tal-effetti negattivi ta’ djar li fihom jgħixu ħafna nies, li huma wisq umdi, kesħin u bla ċirkolazzjoni tal-arja tajba fuq is-saħħa ta’ min joqgħod fihom; iżid jgħid li n-nuqqas ta’ djar joħloq l-istress u d-dwejjaq li jolqot b'mod ħażin il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa u l-benesseri tal-individwi, il-familji u s-soċjetà;

Relatur

Alain HUTCHINSON (BE/PSE), Membru tal-Parlament tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

itenni l-appoġġ tiegħu għall-Istrateġija Ewropa 2020 bil-għan li jitħeġġeġ tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli;

2.

jinnota b'interess li l-bilanċ tas-swieq tad-djar ġie rikonoxxut bħala wieħed mill-indikaturi potenzjali fit-tabella tal-monitoraġġ makroekonomiku fil-qafas tas-Semestru Ewropew il-ġdid, minħabba l-importanza ta’ dawn is-swieq għal stabbiltà finanzjarja u ekonomika akbar fil-livell Ewropew;

3.

ifakkar li d-djar affordabbli u ta’ kwalità huma bżonn fundamentali għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ spiss huma l-kuntatt ewlieni taċ-ċittadini biex jissodisfaw dan il-bżonn;

4.

jenfasizza għalhekk li minkejja li l-Unjoni Ewropea m'għandha l-ebda kompetenza speċifika fil-politika tad-djar, hemm bżonn li, fid-dawl tal-importanza tad-djar għall-ilħiq tal-għanijiet politiċi l-kbar tal-Unjoni Ewropea msemmijin hawn fuq (l-istabbiltà ekonomika, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-inklużjoni soċjali), tal-klawżola soċjali orizzontali prevista fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġi spjegat kif il-politiki Ewropej jistgħu jinfluwenzaw il-qasam d-djar;

5.

barra minn hekk, il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali li jiddefinixxu l-politika tagħhom stess għad-djar, b'mod partikolari għad-djar ta’ interess ġenerali, għandha tibqa' sħiħa b'konformità mal-Artikolu 14 tat-Trattat ta’ Lisbona u tal-Protokoll 26 tiegħu, sabiex il-politika tad-djar, bl-użu sħiħ tar-riżorsi finanzjarji disponibbli kollha, tkompli taqbel mal-ħtiġijiet tal-popolazzjoni. B'hekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw il-possibbiltà li jwieġbu bl-aħjar mod possibbli għall-isfidi l-kbar komuni għall-Unjoni Ewropea kollha;

6.

jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jerfgħu r-responsabbiltà tal-politika tad-djar u li l-politiki tal-UE jipprovdu qafas sabiex dan il-għan jintlaħaq;

7.

jilqa' bi pjaċir f'dan ir-rigward il-ftuħ tal-eliġibbiltà għall-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea għar-rinnovazzjoni tal-enerġija tad-djar soċjali u għat-titjib tal-kundizzjonijiet tad-djar tal-gruppi marġinalizzati; għaldaqstant, jitlob li din tinżamm wara l-2014;

8.

bi pjaċir jinnota li, bħalma kien irrakkomanda l-Kumitat tar-Reġjuni (1), fid-19 ta’ Settembru 2011 (2) il-Kummissjoni pproponiet approċċ ġdid biex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi lokali u soċjali ta’ interess ekonomiku ġenerali – fosthom id-djar soċjali – li huma eżentati mill-ħtieġa tan-notifikazzjoni; ifakkar f'dan ir-rigward li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiddefinixxu s-servizzi ta’ interess ġenerali fil-qafas tal-politika tad-djar soċjali, u l-mod kif dawn għandhom ikunu disponibbli, u jenfasizza wkoll li mhuwiex fl-ambitu tal-Kummissjoni li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ djar soċjali u lanqas li tiddefinixxi l-kategoriji ta’ familji li l-bżonnijiet soċjali bażiċi tagħhom ma jiġux issodisfati biss mill-forzi tas-suq;

Il-bżonn li jiġu pprovduti djar affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd għall-istabbiltà ekonomika

9.

jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li hemm bżonn li jiġu evitati l-bżieżaq tas-settur tad-djar fil-ġejjieni minħabba l-impatt tagħhom fuq l-istabbiltà soċjali kif ukoll finanzjarja. F'dan ir-rigward, ir-regoli l-ġodda proposti mill-Kummissjoni għal suq uniku tas-self għad-djar, li minn naħa jkopru l-perjodu qabel l-iffirmar tal-kuntratt u min-naħa l-oħra huma intiżi biex joħolqu qafas adatt għall-atturi tas-suq involuti fis-self, għandhom jipprovdu protezzjoni aħjar lill-konsumaturi, b'mod partikolari lill-familji fqar, iżda mingħajr ma jiġu esklużi mill-possibbiltà li jkollhom aċċess għal dar. Diġà jeżistu mudelli għall-aċċess (akkumpanjat u monitorjat) għad-djar soċjali u dawn jiffurmaw parti integrali mill-politika soċjali tad-djar li din id-direttiva l-ġdida m'għandhiex tnaqqas (3);

10.

jenfasizza li l-iżbilanċi ekonomiċi kkawżati mill-prezzijiet għoljin wisq tad-djar ma jiqfux fis-settur finanzjarju u għandhom impatt sinifikanti fuq ix-xejriet ta’ konsum tal-familji. Il-familji fqar fl-Ewropa jonfqu medja ta’ 40 % tad-dħul tagħhom (4) fuq id-djar u t-tisħin, u dan il-proporzjon qiegħed dejjem jiżdied;

11.

jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li kull ċittadin ikun jista' jkollu dar billi jieħdu ħsieb li ż-żieda fil-kera tkun ibbażata fuq sistema oġġettiva tal-prezzijiet – metodu li jawtorizza żieda moderata fil-prezzijiet tal-proprjetà – u billi l-politika fiskali tiġi adattata biex tillimita l-ispekulazzjoni;

12.

jitlob li l-investimenti fid-djar soċjali jkunu appoġġjati, u għalhekk li l-valutazzjoni tar-riskji tal-investimenti fil-proprjetà tqis in-natura speċifika tad-djar soċjali, li m'għandhiex l-istess riskji bħall-bqija tas-settur tal-proprjetà;

13.

iħoss li l-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jżid b'mod konsiderevoli l-investimenti tiegħu f'dan is-settur meta jitqies li d-djar ta’ kwalità, effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u affordabbli jiffurmaw infrastruttura ta’ żvilupp ekonomiku lokali, b'mod partikolari fl-Istati Membri fejn ma jeżistix bank tal-istat għad-djar; il-BEI għandu bżonn ukoll itejjeb il-kundizzjonijiet tas-self li jagħti, filwaqt li titqies il-ħtieġa speċjali li jitwaqqaf sors sinifikanti ta’ djar għall-kiri f'xi reġjuni, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ dik il-parti tal-popolazzjoni l-aktar fil-bżonn li ma tistax taċċessa l-proprjetà;

Politika ambizzjuża ta’ appoġġ għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fid-djar biex jintlaħqu l-miri għat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija sal-2020

14.

ifakkar li s-settur tar-residenzi jipproduċi 40 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra u għalhekk huwa settur prijoritarju fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; iżid jgħid li sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu, huwa fundamentali li jittejbu l-kundizzjonijiet tal-binjiet li ttellgħu aktar minn 30 sena ilu, li f'xi reġjuni jammontaw għal 'il fuq minn 70 % tal-bini eżistenti kollu; jisħaq ukoll fuq il-fatt li r-rinnovazzjoni fil-qasam tal-enerġija ta’ erbat idjar toħloq l-ekwivalenti ta’ impjieg wieħed, u għalhekk jinsisti fuq l-importanza tal-effetti pożittivi u strutturanti ta’ dan is-settur fuq l-impjiegi, fuq it-tkabbir ekonomiku u fuq l-ambjent fil-livell lokali;

15.

jappella għalhekk biex ir-rinnovazzjoni fil-qasam tal-enerġija tad-djar fil-kuntest tal-koeżjoni soċjali tibqa' eliġibbli għall-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li kull reġjun ikollu flessibbiltà akbar fl-ammont ta’ fondi allokati għal din l-attività; jemmen ukoll li l-Fondi Strutturali għandhom jagħmlu użu effettiv mill-prinċipju tas-sħubija u li l-Istati Membri għandhom jitħeġġu biex jikkooperaw mal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġu stabbiliti prijoritajiet u jiġi determinat kif għandhom jintużaw ir-riżorsi mill-Fondi Strutturali;

16.

jilqa' b'sodisfazzjon il-prijoritajiet tal-Kummissjoni Ewropea għall-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jemmen li d-Direttiva Ewropea dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (5) għandha tiġi kkonsolidata filwaqt li jitqies il-prinċipju tas-sussidjarjetà; jitlob lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jiżguraw li l-obbligi għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u l-prekarjetà tal-enerġija jkollhom impatt pożittiv fuq il-familji vulnerabbli u li l-politiki ta’ appoġġ għal dawn ir-rinnovazzjonijiet jiffukaw partikolarment fuq it-tnaqqis tal-faqar fl-enerġija billi jitwaqqfu fondi nazzjonali jew reġjonali speċifiċi;

17.

jisħaq ukoll li l-programmi għall-assistenza teknika bħal ELENA (appoġġ fit-tfassil ta’ pjani lokali għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija) jew fondi speċjalizzati bħal JESSICA (għajnuna għal żvilupp urban integrat, bl-użu tal-Fondi Strutturali), li huma żewġ strumenti essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Patt tas-Sindki, li tnieda bl-għajnuna tal-Kumitat tar-Reġjuni, għandhom jiġġeddu u jissaħħu fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

18.

jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li jimmira li jnaqqas l-impatt ambjentali tal-istil ta’ ħajja tagħna u tal-attivitajiet ekonomiċi kif spjegat fl-inizjattiva ewlenija tagħha “Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza” (COM(2011) 21 finali), u jinnota li d-djar u l-politiki tal-ġestjoni tat-territorju u tar-riġenerazzjoni urbana għandu jkollhom rwol aktar attiv biex jintlaħaq dan il-għan;

Tkabbir intelliġenti biex iwieġeb għal sfidi soċjali kbar billi jiġu adattati l-bliet u d-djar tal-lum

19.

bi pjaċir jilqa' r-rieda tal-Kummissjoni li tinvesti fil-modernizzazzjoni tal-ekonomija u li toffri liċ-ċittadini kollha aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) li huma għodod għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà;

20.

jiġbed l-attenzjoni lejn id-domanda dejjem tikber għad-djar soċjali mill-gruppi ta’ età u dawk demografiċi kollha u lejn il-pressjonijiet li jitqiegħdu fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-gruppi varji ta’ popolazzjoni u jappella biex is-servizzi li qed jiġu żviluppati biex jilqgħu għall-ħtiġijiet tat-tixjiħ tal-popolazzjoni jiġu allinjati mill-qrib mal-bżonnijiet ta’ din il-popolazzjoni u li jkunu affordabbli teknikament u ekonomikament; jinnota li fil-pajjiżi Ewropej kollha, il-faqar fost l-anzjani qed jiżdied u għalhekk jitlob li fis-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-tixjiħ attiv u b'saħħtu ġdida, li tikkoordina l-isforzi għar-riċerka f'dan il-qasam, ikun hemm taqsima speċifika li jkollha l-għan speċifiku li tiżviluppa soluzzjoni affordabbli biex il-persuni avvanzati fl-età jkunu jistgħu jibqgħu fi djarhom kemm jista' jkun, billi jitqies il-fatt li t-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-binjiet li jeżistu diġà huwa mod raġonevoli u vijabbli kif jitnaqqsu dawn il-ħtiġijiet ta’ għajnuna u dan jgħin biex in-nies jibqgħu fil-post ta’ residenza tagħhom u jiffaċilita l-integrazzjoni tagħhom fil-ħajja soċjali permezz tat-titjib tal-indipendenza personali tagħhom;

21.

itenni l-bżonn li ċ-ċittadini jitqiegħdu fil-qalba tal-programmi pilota għall-iżvilupp tal-bliet ta’ għada (“smart cities”), billi jiddaħħal element ta’ “inklużjoni soċjali” u billi titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-utenti fil-proġetti. B'hekk, jiġi rikonoxxut ir-rwol tagħhom ta’ atturi ewlenin fit-trasformazzjoni tal-bliet, li biex ikunu sostenibbli jridu jiżguraw il-koeżjoni soċjali;

22.

iħoss li għandhom jiġu żviluppati programmi usa' biex tiżdied is-sjieda mill-utenti tat-teknoloġiji għall-kostruzzjoni ta’ bini passiv u li, lil hinn mit-teknoloġija, hemm bżonn li l-finanzjamenti Ewropej jappoġġjaw dawn il-miżuri maħsuba biex iżidu l-viżibilità u l-inklużjoni tal-utenti/konsumaturi;

23.

jilqa' b'sodisfazzjon il-progress fit-teknoloġija tal-informazzjoni u t-telekura li huma ta’ għajnuna għar-residenti anzjani u dawk b'diżabilità fi djarhom;

Aċċess għal kulħadd għal kundizzjonijiet tal-ħajja u djar deċenti biex ikun hemm parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u jiġu garantiti d-drittijiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha

24.

jappoġġja l-għan tal-Unjoni Ewropea għat-tnaqqis tal-faqar sal-2020 li jeħtieġ li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu programmi ta’ implimentazzjoni ambizzjużi;

25.

jenfasizza li l-kundizzjonijiet inadegwati tad-djar għandhom impatt kbir fuq is-saħħa, u li t-titjib fil-kwalità tad-djar tippermetti l-prevenzjoni tal-effetti negattivi ta’ djar li fihom jgħixu ħafna nies, li huma wisq umdi, kesħin u bla ċirkolazzjoni tal-arja tajba fuq is-saħħa ta’ min joqgħod fihom; iżid jgħid li n-nuqqas ta’ djar joħloq l-istress u d-dwejjaq li jolqot b'mod ħażin il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa u l-benesseri tal-individwi, il-familji u s-soċjetà;

26.

jitlob li d-dimensjoni tad-djar isservi ta’ pilastru għal dawn il-programmi ta’ implimentazzjoni u li jiġu ddedikati għaliha investimenti u politiki maħsuba biex iżidu l-offerta ta’ djar affordabbli u deċenti, bl-inklużjoni kemm tas-sjieda tal-proprjetà kif ukoll tal-kiri;

27.

jinsisti li l-indikaturi tal-Eurostat (prezz, kwalità) dwar l-element tad-djar tal-inklużjoni soċjali jiġu ppubblikati regolarment biex tkun tista' ssir valutazzjoni tal-progress f'dan il-qasam, u li dawn l-indikaturi jiġu komplementati bi statistika reġjonali u lokali;

28.

jemmen li huwa urġenti li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-persuni mingħajr dar (6) u li f'dan ir-rigward hemm bżonn li tiġi kkoordinata l-applikazzjoni tal-politiki kollha li għandhom impatt fuq il-persuni mingħajr dar; f'dan ir-rigward jilqa' d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija tal-UE għall-Persuni Bla Dar (7) u jitlob lill-Kummissjoni timplimentaha mingħajr dewmien;

29.

jitlob li l-innovazzjoni soċjali tkun appoġġjata mill-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar iżda wkoll mill-programm qafas ta’ riċerka biex jiġu ttestjati forom ġodda ta’ governanza tal-politiki maħsuba għat-titjib tal-aċċess għad-djar u għall-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar (8);

30.

jinnota b'interess ir-rakkomandazzjonijiet tal-ġurija tal-Konferenza ta’ Kunsens dwar il-persuni mingħajr dar li saret taħt il-Presidenza Belġjana tal-Unjoni Ewropea, u jfakkar fir-rwol essenzjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ħolqien ta’ sħubijiet mal-atturi kkonċernati kif ukoll fiż-żieda tal-provvista ta’ djar affordabbli, li hi kundizzjoni neċessarja iżda mhux biżżejjed biex tissolva l-problema tal-persuni mingħajr dar;

31.

jisħaq li hemm bżonn tiġi żviluppata varjetà ta’ soluzzjonijiet għad-djar biex iwieġbu għal ħtiġijiet dejjem aktar differenti, u li jkun hemm alternattiva li tgħaqqad il-kiri u x-xiri, bħall-kooperattivi, l-ekwità konġunta, il-“land trust communities” u oħrajn; jitlob li l-Istati Membri jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fiż-żamma u t-tisħiħ tad-diversità tal-provvista tad-djar, billi jitqiesu l-mekkaniżmi neċessarji biex jiġu aġġornati l-binjiet residenzjali, mingħajr ma jiġi promoss ix-xiri tal-proprjetà għad-detriment ta’ forom oħra ta’ aċċess għad-djar;

32.

jinsisti li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-intraprenditorija soċjali mħabbra għal tmiem l-2011 għandha tidentifika l-possibbiltajiet offruti lill-intrapriżi soċjali biex iżidu l-offerta ta’ djar affordabbli;

33.

jenfasizza, li huwa importanti li tiġi evitata u mnaqqsa d-differenzazzjoni li tagħmel ħsara fiż-żoni residenzjali permezz ta’ miżuri urbani u ta’ politika soċjali;

34.

jinnota li minbarra l-alternattiva li jintużaw il-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea biex jingħataw djar lill-gruppi marġinalizzati - miżura li għandha tiġi kkonfermata mill-ġdid fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss għax tindirizza l-ħtieġa li jitneħħew għalkollox id-djar mhux adatti għall-għajxien - hemm bżonn ukoll li l-Fondi Strutturali tal-Unjoni Ewropea jiġu integrati aħjar (FSE/FEŻR) għall-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbi taż-żoni żvantaġġjati (9); jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rijabilitazzjoni taż-żoni m'għandhiex tfisser ġentrifikazzjoni, u li għandhom jiġu stabbiliti programmi għad-diversità soċjali biex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali;

Intejbu l-governanza għal interazzjoni pożittiva bejn il-politiki Ewropej u l-politiki tad-djar

35.

iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-laqgħat informali tal-Ministri għad-Djar ikomplu jservu ta’ forum għall-iskambji u għall-fehim aħjar tal-politiki u l-kuntesti nazzjonali iżda anke fejn jiġu adottati pożizzjonijiet dwar temi li jkollhom influwenza qawwija fuq il-politika nazzjonali tad-djar – l-iktar fuq il-finanzjament tagħha;

36.

jipproponi li l-Eurostat jintalab iħejji Eurobarometer speċifiku dwar il-kundizzjonijiet tad-djar u l-prezzijiet tagħhom, minħabba l-importanza tad-djar għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;

37.

jipproponi li l-Intergrupp tal-Parlament Ewropew għad-Djar Urbani jorganizza laqgħat regolari mal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-dimensjoni tad-djar fil-politiki Ewropej, b'mod partikolari fil-qasam urban.

Brussell, 11 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 150/2011

(2)  http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

(3)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ftehimiet ta’ kreditu b'rabta ma’ proprjetà residenzjali (2011/0062 (COD)).

(4)  EUSILC 2009, Eurostat

(5)  Proposta tal-Kummissjoni Ewropea tat-22 ta’ Ġunju 2011

(6)  CdR 18/2010

(7)  B7-0475/2011.

(8)  CdR 402/2010

(9)  CdR 129/2011


11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/8


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-kooperazzjoni territorjali fil-baċir tal-Mediterran permezz tal-makroreġjun Adrijatiku-Joniku” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 9/03

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li strateġija makroreġjonali ma tistax tħaddan is-setturi kollha ta’ intervent iżda għandha tiffoka fuq l-isfidi u l-kwistjonijiet tal-makroreġjun ikkonċernat li għandhom jiġu identifikati wara valutazzjoni konġunta mill-imsieħba, u jfakkar li makroreġjun, bħala żona funzjonali, m’għandux konfini definiti minn qabel, u d-definizzjoni tiegħu hija strettament marbuta mal-isfidi komuni li jridu jiġu ffaċċjati;

iqis li dan l-approċċ jista’ jkun strument importanti biex jintlaħaq l-għan tal-koeżjoni territorjali;

jenfasizza li valur miżjud importanti tal-istrateġija makroreġjonali tal-Adrijatiku-Joniku huwa l-fatt li tenfasizza l-attenzjoni min-naħa tal-UE lejn il-Balkani tal-Punent, tikkostitwixxi fattur importanti ta’ rikonċiljazzjoni bejn it-territorji u tikkontribwixxi għall-progress tagħhom lejn l-integrazzjoni Ewropea;

ifakkar li ż-żona ġeografika affettwata mill-istrateġija tħaddan tliet Stati Membri (l-Italja, il-Greċja u s-Slovenja), żewġ pajjiżi kandidati (il-Kroazja u l-Montenegro), u tliet pajjiżi kandidati potenzjali (l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina u s-Serbja); jenfasizza li minbarra d-dimensjoni marittima, l-approċċ makroreġjonali għandu jqis kull kwistjoni fundamentali li llum tolqot lill-makroreġjun Adrijatiku-Joniku, mill-protezzjoni u l-konservazzjoni ambjentali sal-enerġija, mit-tibdil fil-klima, sar-riċerka u l-innovazzjoni;

ifakkar li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tar-rifjut triplu – l-ebda regolament ġdid, l-ebda istituzzjoni ġdida u l-ebda fond ġdid – fir-rigward tal-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali għandu wkoll ikun akkumpanjat minn tliet affermazzjonijiet: l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ konġunti tar-regoli li jeżistu fil-makroreġjuni, il-ħolqien ta’ pjattaforma, netwerk jew raggruppament territorjali ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali u l-użu miftiehem tar-riżorsi finanzjarji eżistenti;

Relatur

Is-Sur Gian Mario SPACCA (IT/ALDE), President tar-Reġjun tal-Marche

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni min-naħa tal-Kunsill Ewropew, f’Ottubru 2009, tal-istrateġija Ewropea għall-makroreġjun tal-Baħar Baltiku li fetħet triq li permezz tagħha xi reġjuni Ewropej, fl-istrument tal-istrateġija makroreġjonali, sabu jew qed isibu soluzzjoni għall-problemi ta’ żvilupp bilanċjat u sostenibbli;

2.

ifakkar fir-rwol tiegħu, sa mill-bidu nett, fit-tħejjija tal-istrateġiji makroreġjonali Ewropej, peress li jippermettu l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, sakemm juru valur miżjud għall-UE;

3.

bi pjaċir jinnota li fl-okkażjoni tal-Forum oranizzat fit-13 ta’ April 2010 dwar it-tema “Il-makroreġjuni Ewropej – l-integrazzjoni permezz tal-kooperazzjoni territorjali”, bosta reġjuni Ewropej ikkonfermaw l-interess tagħhom f’dan l-argument u d-dibattitu u t-tagħlimiet promossi fl-okkażjoni tal-Forum tal-KtR jikkonfermaw li l-makroreġjun jista’ jkun mod innovattiv ta’ kooperazzjoni territorjali fil-livell interreġjonali u transnazzjonali, li kapaċi jsaħħaħ il-koerenza u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet politiċi f’diversi setturi, jirrazzjonalizza l-użu tar-riżorsi finanzjarji u jippromovi r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali skont il-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli, b’involviment sew mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

4.

itenni li l-approċċ makroreġjonali lejn il-modi u l-ambiti tal-intervent jistgħu jintrabtu b’mod koerenti ma’ politiki strateġiċi oħra tal-Unjoni bħall-Istrateġija Ewropa 2020, il-politika ta’ koeżjoni u l-politika marittima integrata;

5.

jenfasizza li l-istrateġija makroreġjonali, meta jitqiesu l-karatteristiċi tagħha, ma tistax tħaddan is-setturi kollha ta’ intervent iżda għandha tiffoka fuq l-isfidi u l-kwistjonijiet tal-makroreġjun ikkonċernat li għandhom jiġu identifikati wara valutazzjoni konġunta mill-imsieħba, filwaqt li tgħaqqad il-prinċipji tal-kooperazzjoni mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

6.

jenfasizza li l-makroreġjun, bħala żona funzjonali, m’għandux konfini definiti minn qabel u d-definizzjoni tiegħu hija strettament marbuta mal-kwalità u l-kwantità tal-isfidi komuni li jridu jiġu ffaċċjati; għalhekk, l-applikazzjoni tiegħu għandha tkun ibbażata fuq kriterji konkreti (ibbażati fuq l-interkonnettività ġeografika) sabiex il-kooperazzjoni tkun imsejsa fuq kwistjonijiet li jistgħu jiġu solvuti; permezz ta’ hekk għandu jkun possibbli li tiġi żgurata interkonnessjoni aħjar ma’ żoni ġeografiċi oħrajn, bħall-Ewropa ċentrali, l-Alpi u r-Reġjun tad-Danubju;

7.

jisħaq li minn dan il-lat, l-istrateġija makroreġjonali tista’ ssir strument importanti biex jintlaħaq l-għan tal-koeżjoni territorjali sostnuta ħafna fit-Trattat ta’ Lisbona u biex jissaħħu l-proċeduri għad-dħul fl-Unjoni Ewropea tal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, minħabba l-effett ta’ lieva fuq l-interessi komuni tar-reġjuni, li huma parti mill-Istati Membri “antiki” u “ġodda”, kif ukoll minn pajjiżi terzi, kif diġà juru l-eżempji tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Baħar Baltiku u l-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju;

8.

jenfasizza li valur miżjud importanti tal-istrateġija makroreġjonali tal-Adrijatiku-Joniku huwa l-fatt li tenfasizza l-attenzjoni min-naħa tal-UE lejn il-Balkani tal-Punent, hekk kif ġara fil-passat sabiex jiġu integrati t-territorji tal-Ewropa ċentrali u tal-Lvant;

9.

jinnota li l-istrateġija makroreġjonali tal-Adrijatiku-Joniku tikkostitwixxi fattur importanti ta’ rikonċiljazzjoni bejn it-territorji fil-lvant tal-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Joniku, u fl-istess ħin, tirrikonoxxi u qed terġa’ tiskopri l-valuri komuni, li tul is-sekli, għaqqdu ż-żewġ xtut;

10.

jenfasizza li valur ieħor tal-istrateġija makroreġjonali nħoloq mill-opportunità li tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali f’territorju li jagħmel ukoll parti miż-żona vasta tal-Meditteran u li tikkontribwixxi għall-progress tagħhom lejn l-integrazzjoni Ewropea;

11.

jenfasizza li l-makroreġjun mhuwiex livell istituzzjonali ieħor fi ħdan l-Unjoni Ewropea, iżda netwerk, mod operattiv jew anzi azzjoni komuni li tinvolvi lil diversi atturi Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali – diversi politiki u diversi programmi ta’ finanzjament. Għaldaqstant, tkun ħaġa tajba li jiġi stabbilit netwerk bejn l-atturi, l-għodod u l-inizjattivi kollha kkonċernati, b’mod flessibbli u mingħajr burokrazija;

Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Adrijatiku Joniku: il-kuntest

12.

jinnota li t-territorji tal-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Joniku huma baċir marittimu u reġjun internazzjonali. Kemm jekk jitqies mil-lat storiku, ġeografiku, ekonomiku, ambjentali jew soċjali, l-interazzjonijiet bejn il-pajjiżi minn dejjem kienu karatteristika ewlenija ta’ dan ir-reġjun. Il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Joniku huma (eko)reġjuni marittimi u tal-baħar importanti fl-Ewropa, li huma kontigwi u li jitfgħu fiż-żona ċentrali tal-baħar Mediterran, li huwa baħar nofsu magħluq b’rata baxxa tat-tiġdid tal-ilma;

13.

jenfasizza li l-makroreġjun Adrijatiku-Joniku jħaddan l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi kandidati jew kandidati potenzjali li jmissu ma’ dawn l-ibħra. Huwa żona ferm eteroġena f’termini ekonomiċi, ambjentali u kulturali. Fi ħdan il-proċess attwali ta’ adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Joniku mhux biss ser jaqsmu wirt komuni iżda ser jintlaqtu iktar u iktar mill-moviment ħieles tan-nies, il-prodotti u s-servizzi.

14.

ifakkar li ż-żona ġeografika konċernata mill-istrateġija tħaddan tliet Stati Membri (l-Italja bir-reġjun Adrijatiku u r-reġjun Joniku, il-Greċja u s-Slovenja), żewġ pajjiżi kandidati (il-Kroazja u l-Montenegro), u tliet pajjiżi kandidati potenzjali (l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina u s-Serbja), minbarra s-superfiċje tal-baħar, ta’ ftit inqas minn 450 000 kilometru kwadru fejn jgħixu madwar 60 miljun persuna. Reġjun li jestendi ’l barra mill-baċir marittimu u li, min-natura tiegħu stess iservi ta’ pont bejn it-territorji u ta’ ħolqa li torbot il-popli u l-istituzzjonijiet, huwa iktar adatt għall-iżvilupp ta’ strateġija komuni kapaċi toħloq opportunità għal żvilupp sostenibbli u biex jottimizza l-iskambju tal-ideat, tal-persuni, tal-prodotti u tas-servizzi;

15.

jenfasizza li l-baċir Adrijatiku Joniku jirrappreżenta “baħar nofsu magħluq” u eventwalment ser ikun dejjem iktar “baħar intern” tal-Unjoni Ewropea. Huwa baċir li jippreżenta analoġiji maż-żona tal-Baltiku, fejn fiż-żewġ każi huma ibħra, bi problemi u sfidi simili, kif ukoll “rabtiet” bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, u fl-istess ħin ħruġ marittimu naturali miż-żona tad-Danubju;

16.

jenfasizza li ż-żoni kollha Ewropej huma konnessi bejniethom, u għalhekk, ir-rabta mixtieqa taż-żona Baltika u ż-żona tad-Danubju maż-żona Adrijatika-Jonika tirrappreżenta l-estensjoni naturali tagħhom u t-tisħiħ tal-politika Ewropea ta’ kooperazzjoni territorjali;

17.

jinnota li r-reġjun Adrijatiku Joniku sa mill-aħħar tas-snin 70 interessa lil diversi organizzazzjonijiet u inizjattivi; l-iktar importanti fosthom huma:

il-Forum tal-bliet fuq l-ibħra Adrijatiku u Joniku fejn l-enfasi tiċċentra fuq il-qsim ta’ mudell komuni amministrattiv, għal żvilupp iktar bilanċjat tat-territorji amministrati (madwar 50),

il-Forum tal-Kmamar tal-Kummerċ fejn l-aspetti soċjoekonomiċi u l-protezzjoni tar-riżorsi għandhom rilevanza partikolari (madwar 30),

il-Forum tal-Universitajiet “Uniadrion”, fejn il-punt tat-tluq huwa t-twettiq ta’ rabta permanenti bejn l-Universitajiet u ċ-ċentri tar-Riċerka taż-żona Adrijatika u ż-żona Jonika għal produzzjoni multimedjali konġunta (madwar 32),

l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, li bħala membri għandha l-pajjiżi tal-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, il-Greċja, l-Italja, il-Montenegro, is-Slovenja u s-Serbja, inħolqot fi tmiem il-kunflitt ta’ Dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava, f’Mejju 2000 f’Ancona, bil-għan li tiżgura s-sigurtà u l-kooperazzjoni fiż-żona Adrijatika u ż-żona Jonika,

l-Ewroreġjun Adrijatiku, li skont ir-regola jgħaqqad l-istituzzjonijiet, fil-livell eżatt taħt il-livell tal-Istat, fuq iż-żewġ naħat tal-Baħar Adrijatiku għal djalogu u l-koordinazzjoni bejn il-prijoritajiet rispettivi tal-programmi;

li magħhom jingħaqdu bosta netwerks għall-infrastruttura (bħan-North Adriatic Port Association N.A.P. A.), il-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

18.

ifakkar li barra minn hekk, din iż-żona tibbenefika minn interventi importanti tal-Unjoni Ewropea, finanzjati mill-programmi tematiċi (it-trasport, l-enerġija, l-ambjent, eċċ.), mill-programmi nazzjonali u reġjonali tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea (Objettivi 1 u 2), u minn dawk tal-politika Ewropea dwar il-kooperazzjoni territorjali bħall-programmi IPA CBC għall-kooperazzjoni transkonfinali fl-Adrijatiku u l-programmi korrispondenti għall-kooperazzjoni transkonfinali (pereżempju bejn l-Italja u s-Slovenja, il-Greċja u l-Italja) u għall-kooperazzjoni transnazzjonali (Programm tal-Ewropa Ċentrali – CE, il-Programm għax-Xlokk tal-Ewropa – South East Europe SEE, il-Programm Mediterran – MED u l-Programm għaż-Żona Alpina – Alpine Space), permezz tal-fondi tal-FEŻR u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni – IPA. L-importanza u l-valur miżjud ta’ strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-makroreġjun jinstabu sewwa sew fil-benefiċċji ta’ integrazzjoni b’saħħitha bejn dawn il-progammi u dawk li jitwettqu fuq skala nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-investimenti mill-Bank Ewropew tal-Investiment, mis-sistema tal-kreditu lokali u mill-atturi privati. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza li proċess simili ma jistax jiġi limitat għal approċċ intergovernattiv iżda jeħtieġ l-applikazzjoni immedjata tal-lieva politika u istituzzjonali u l-kompetenza teknika tal-istituzzjonijiet tal-UE;

19.

jisħaq li dan in-netwerk vast ta’ relazzjonijiet jirrappreżenta punt ta’ referenza importanti u l-bażi neċessarja għall-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea tal-politiki lokali u reġjonali; is-sostenn għas-sistemi ta’ sħubija transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali jsir strateġiku fil-livell territorjali u jikkontribwixxi għall-istrutturar tas-sistemi tad-djalogu u l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali, ir-reġjuni u l-amministrazzjoni ċentrali, b’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona;

20.

iqis li minħabba l-karatteristiċi li jiddistingwuha u b’mod partikolari minħabba l-interessi li l-pajjiżi membri tagħha għandhom fis-suġġetti marbuta mal-ħarsien tal-ilmijiet marittimi u l-kosti, l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika tista’ tagħti dimensjoni iktar Mediterranja. Fl-istess ħin, minħabba l-vokazzjoni ġeografika speċifika tagħha u s-suġġetti marbuta magħha, l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika hija destinata li tagħti valur miżjud għall-proċessi ta’ stabilizzazzjoni fiż-żona u b’mod partikolari għad-dinamiċi tal-integrazzjoni fiż-żona Ewropea mingħajr ma tkun superfluwa għall-istituzzjonijiet oħra b’kopertura u rilevanza differenti;

21.

ifakkar li fil-5 ta’ Mejju 2010 f’Ancona, il-Kunsill Adrijatiku-Joniku, magħmul mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi assoċjati mal-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, adotta stqarrija li permezz tagħha jaderixxi għall-proposta ta’ strateġija makroreġjonali għaż-żona Adrijatika-Jonika u jistieden lill-Istati Membri (l-Italja, il-Greċja, is-Slovenja) jibdew jaħdmu għall-approvazzjoni mill-istituzzjonijiet Komunitarji;

22.

jenfasizza li fit-23 ta’ Mejju 2011, fi Brussell, il-Kunsill Adrijatiku-Joniku adotta dikjarazzjoni oħra fejn jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta’ April 2011 li jistieden lill-Istati Membri jkomplu bill-ħidma għall-makroreġjuni futuri, u jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-appoġġ tal-istrateġija makroreġjonali għaż-żona Adrijatika u ż-żona Jonika biex din titwettaq b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u bil-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

23.

jenfasizza li matul it-VIII u d-IX Konferenza, li saru rispettivament f’Bari (l-Italja) fid-29 ta’ April 2010 u f’Budva (il-Montenegro) fil-11 ta’ April 2011, il-Presidenti tal-parlamenti nazzjonali membri tal-Inizjattiva Adrijatika-Jonika adottaw dikjarazzjonijiet finali speċifiċi li bihom il-parlamenti impenjaw ruħhom li jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jikkontribwixxu għall-proċess ta’ adeżjoni fl-UE tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent li huma membri tal-Inizjattiva u talbu lill-istituzzjonijiet Ewropej biex, fil-parti tax-Xlokk tal-Ewropa, jiżviluppaw strateġija makroreġjonali għall-baċir Adrijatiku-Joniku;

24.

ifakkar li t-territorji involuti fl-istrateġija huma dawk li jaqdu funzjoni fil-baħar Adrijatiku jew fil-baħar Joniku fejn id-differenzi fil-pajsaġġ u l-ambjent bejn iż-żewġ kosti tal-baċir Adrijatiku huma importanti minħabba l-karatteristiċi ġeomorfoloġiċi tagħhom, il-pressjoni għolja tal-iżvilupp urban u d-differenzi demografiċi. Barra minn hekk, din iż-żona għandha rabtiet qawwija ma’ xi territorji tal-Awstrija t’Isfel u l-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant;

25.

fil-fehma tiegħu, xi wħud miż-żoni kostali ntlaqtu minn livell għoli ta’ urbanizzazjoni, l-iktar madwar iż-żoni tal-manifattura kif ukoll iż-żoni b’rata għolja ta’ turiżmu. Il-pressjoni eċċessiva tal-użu produttiv, id-domanda lokalizzata u t-trasformazzjonijiet konsegwenti tal-ħabitat kostali wasslu għal konġestjoni mifruxa u tnaqqir kontinwu tal-ambjent naturali. Minkejja dan, jeżistu siti ambjentali u żoni protetti nazzjonali u reġjonali eċċellenti;

26.

iqis li xi żoni kostali jippreżentaw kontinwità ta’ pajsaġġ u wirt ambjentali li dejjem qed jiġu mhedda iktar mill-proċessi tal-iżvilupp. Fost il-problemi identifikati għal din iż-żona nsibu n-nuqqas ta’ sistemi tad-dranaġġ u r-rimi tal-iskart, urbanizzazzjoni tal-kosta dejjem tiżdied, u emissjonijiet atmosferiċi kontinwi tal-pollutanti mit-trasport, mill-proċessi industrijali u mill-produzzjoni tal-enerġija;

27.

jenfasizza li fuq livell iktar ġenerali, l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun Adrijatiku-Joniku beħsiebha tkun strument prezzjuż mhux biss għat-territorji kkonċernati iżda għall-UE kollha kemm hi, billi tiffoka kompletament li tikseb il-linji strateġiċi tal-UE fl-iżvilupp intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u b’mod partikolari l-Istrateġija Ewropa 2020. Il-perjodu ta’ ppjanar strateġiku għandu jibda fl-2012 jew fl-2013, b’tali mod li jkun possibbli l-konformità u l-garanzija tal-ikbar koerenza mal-prijoritajiet tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss, mal-oqfsa strateġiċi komuni u mal-programmi operattivi relatati;

28.

iqis li jekk ser tiġi definita missjoni għall-istrateġija tal-Adrijatiku-Joniku, din ser tkun “toħloq rabtiet u tipproteġi”: toħloq rabtiet bejn it-territorji tal-makroreġjun biex tħeġġeġ l-iżvilupp sostenibbli tiegħu filwaqt li tipproteġi l-ambjent fraġli marittimu, kostali u dak intern. Iż-żewġ makrostrateġiji Ewropej għall-Baltiku u d-Danubju, flimkien mal-istrateġija għall-makroreġjun Adrijatiku-Joniku u l-istrateġiji futuri tal-UE (1) jistgħu joħolqu dawn l-interkonnessjonijiet u s-sinerġiji inklużi dawk infrastrutturali, imsemmija fil-punt 18 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tat-13 ta’ April 2011. Dawn l-istrateġiji għandhom iservu bħala strument ideali bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Ewropa, u f’dan il-kuntest, il-makroreġjun Adrijatiku-Joniku għandu jservi biex isaħħaħ u jnaqqas il-konġestjoni tal-aċċess tax-Xlokk tal-Ewropa għall-bqija tad-dinja, b’tali mod li tkun tista’ tinkludi wkoll iż-żona tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant; billi jitwal il-kuritur bejn il-Baltiku u l-Adrijatiku previst fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni COM(2011) 500 tad-29 ta’ Ġunju 2011 u l-konnessjoni tiegħu man-netwerks intermodali. Minħabba li jista’ jkun hemm duplikazzjonijiet ġeografiċi qawwijin bejn l-Istrateġija tal-Adrijatiku-Joniku u dik tar-Reġjun tad-Danubju, il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprevedi l-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni meħtieġa;

Baħar, kosta u intern: makroreġjun li jgħaqqad, jipproteġi u jiżviluppa

29.

iqis li baċir marittimu fih innifsu huwa riżorsa komuni li tgħaqqad il-pajjiżi u r-reġjuni li għandhom fruntiera miegħu, kif ukoll ass komuni li għandu jkun protett. Iżda l-baħar jeħtieġ ukoll interventi konġunti sabiex jiġġenera l-ġid u l-iżvilupp. Barra minn hekk, huwa sistema fraġli u dan huwa minnu b’mod partikolari fil-każ tal-Baħar Adrijatiku u l-Baħar Joniku, li huma ibħra b’rata baxxa tat-tiġdid tal-ilma, konnessi mal-Mediterran, li hu stess huwa baħar nofsu magħluq. Sabiex jiġi ppriservat l-ambjent Adrijatiku u Joniku, fl-Istrateġija Adrijatika-Jonika għandhom jiddaħħlu wkoll strateġiji tal-baħar adegwati;

30.

jinnota li minn dan il-lat, il-makroreġjun Adrijatiku-Joniku jista’ jitqies bħala komunità marittima. Għalhekk, l-Istrateġija ser iġġib magħha mhux biss dokumenti tal-ippjanar, iżda azzjonijiet – konkreti u viżibbli – biex jingħelbu l-isfidi li qed jiffaċċja r-reġjun. L-Istati, ir-reġjuni u l-partijiet oħra konċernati għandhom jieħdu r-responsabbiltà li jiggwidaw is-setturi prinċipali speċifiċi u l-proġetti ewlenin ibbażati fuq approċċ integrat tal-politika marittima, tal-politika tat-trasport u tal-portijiet fl-ambitu tal-kurituri pan-Ewropej;

31.

jenfasizza li minbarra d-dimensjoni marittima, l-approċċ makroreġjonali għandu jqis kull kwistjoni fundamentali li llum tolqot lill-makroreġjun Adrijatiku-Joniku, mill-protezzjoni u l-konservazzjoni ambjentali sal-enerġija, mit-tibdil fil-klima, sar-riċerka u l-innovazzjoni, mill-preservazzjoni tal-ilma sottomarin sar-riżorsi kulturali, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi, il-kummerċ, il-loġistika u t-taħriġ ta’ maniġers pubbliċi taż-żona Adrijatika-Jonika;

32.

ifakkar fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ssostni l-prinċipju tar-rifjut triplu – l-ebda regolament ġdid, l-ebda istituzzjoni ġdida u l-ebda fond ġdid – fir-rigward tal-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali; min-naħa tiegħu, itenni li dan il-prinċipju għandu wkoll ikun akkumpanjat minn tliet affermazzjonijiet: l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ konġunti tar-regoli li jeżistu fil-makroreġjuni; il-ħolqien ta’ pjattaforma, netwerk jew raggruppament territorjali ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali u Stati Membri bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u taħt ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE; l-użu miftiehem tar-riżorsi finanzjarji eżistenti tal-Unjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali;

33.

jinsisti li minn hawn u l-2012/2013, il-Kunsill Ewropew għandu jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal strateġija makroreġjonali tal-Adrijatiku-Joniku. Sadattant, id-dibattitu jkun juri li din tkun deċiżjoni responsabbli min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji, għax b’hekk ikun jista’ jintlaħaq kunsens, u fl-istess ħin jinstab approċċ prammatiku bejn it-tliet sisien tal-istrateġija makroreġjonali fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020;

34.

jinnota li b’rabta mal-kwistjoni tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, huwa possibbli, l-istess kif sar għall-Baħar Baltiku u għar-Reġjun tad-Danubju, li anke għaż-żona Adrijatika-Jonika tiġi identifikata strateġija Ewropea li, billi tuża l-bosta netwerks ta’ kooperazzjoni li jeżistu diġà, tisfrutta l-firxa ta’ inizjattivi, programmi u proġetti li għaddejjin diġà, tadatta u tikkoordina d-diversi strumenti disponibbli għad-diversi atturi, tikkontribwixxi għall-konsolidazzjoni tal-proċess ta’ integrazzjoni kemm bejn l-Istati kif ukoll fi ħdanhom stess, permezz ta’ parteċipazzjoni qawwija mis-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri konkreti;

35.

jenfasizza li dawn il-kundizzjonijiet iwasslu biex l-istrateġija makroreġjonali għaż-żona Adrijatika-Jonika sservi bħala eżempju eċċellenti ta’ “governanza f’diversi livelli” fil-prattika, billi hija toħloq l-opportunitajiet biex jiġu kkwalifikati u definiti l-kooperazzjoni u l-interazzjoni tal-partijiet kollha affettwati mill-isfidi kbar li jeżistu f’dan ir-reġjun;

36.

ifakkar li f’din il-fażi, fejn il-maġġoranza tal-miżuri huma bbażati fuq il-leġislazzjoni relatata mal-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni u tal-Istati Membri, għall-bidu l-Kummissjoni għandha tillimita lilha nnifisha li tipproponi azzjonijiet speċifiċi li mbagħad jiġu żviluppati bil-kooperazzjoni tal-livelli kollha ta’ gvern interessati skont il-kompetenzi u r-responsabbiltà rispettivi sabiex wara jassumu rwol ta’ koordinazzjoni, monitoraġġ, implimentazzjoni u segwitu tal-istrateġija; sabiex dan il-għan jintlaħaq, il-Kummissjoni għandha tuża kemm jista’ jkun l-istrutturi adegwati li diġà jeżistu.

Konklużjonijiet

37.

josserva li fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet adottati mill-Kunsill Adrijatiku-Joniku (il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Inizjattiva Adrijatika-Jonika) u fid-dawl tal-problemi urġenti u l-isfidi attwali, għandha tinbeda minnufih it-tħejjija ta’ strateġija Ewropea għaż-żona Adrijatika-Jonika u għalhekk jistieden lill-Kunsill Ewropew jafda lill-Kummissjoni bit-tħejjija ta’ din l-istrateġija;

38.

jitlob lill-Parlament Ewropew, abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-Konferenzi tal-Presidenti tal-Parlamenti Nazzjonali msieħba fl-Inizjattiva Adrijatika-Jonika u b’kunsiderazzjoni tal-valur strateġiku għat-tlestija tal-proċess ta’ adeżjoni mal-UE, sabiex jadotta inizjattiva politika b’saħħitha għat-tnedija ta’ strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-makroreġjun Adrijatiku-Joniku;

39.

jistieden lill-Parlament Ewropew, li bħalissa qiegħed iħejji dokumenti importanti rigward it-twettiq tal-politika marittima integrata, il-ġestjoni tal-ilmijiet territorjali u l-politika tat-trasport, biex iqis id-dimensjoni makroreġjonali Adrijatika-Jonika;

40.

jenfasizza li l-istrateġija makroreġjonali tal-Adrijatiku-Joniku hija perfettament kompatibbli mal-iżvilupp tal-Ewroreġjuni li jiffokaw fuq il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni transkonfinali jew l-iżvilupp ta’ strutturi Ewropej fil-kuntest ta’ proġetti transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali li legalment jiffurmaw ir-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT);

41.

jirrakkomanda li l-politiki tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu wara l-2013, tinkludi bis-sħiħ l-istrateġiji makroreġjonali fost is-setturi proprji ta’ kooperazzjoni territorjali (l-iktar rigward il-kooperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali), b’tali mod li l-programmi operattivi reġjonali tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (2014-2020) ikunu jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji makroreġjonali;

42.

jistieden lill-Kummissjoni biex, b’konformità mal-punt 21 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali tat-13 ta’ April u mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2011, u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-istituzzjonijiet nazzjonali u lokali ilhom jaħdmu fuq abbozz ta’ strateġija makroreġjonali, twettaq minnufih monitoraġġ dettaljat tal-proġetti strateġiċi li għaddejjin bħalissa, li huma approvati jew li jinsabu fi triqthom li jiġu approvati li jaqgħu taħt it-territorji Adrijatiċi-Joniċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta “tliet affermazzjonijiet”, kif issemmew fil-punt 32 ta’ din l-opinjoni;

43.

iqis li huwa neċessarju u urġenti li r-rwol u l-funzjonament tal-makroreġjuni jiġu eżaminati u definiti iktar fi Green Paper, kif diġà ntalab fir-riżoluzzjoni dwar il-programm leġislattiv u ta’ ħidma 2010 tal-Kummissjoni Ewropea;

44.

jenfasizza li l-istrateġija għaż-żona Adrijatika-Jonika hija bbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hija ser tindirizza kwistjonijiet u problemi li ma jistgħux jiġu solvuti esklużivament fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali;

45.

jisħaq li din l-istrateġija għandha titħejja fil-qafas ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa u għandha titwettaq b’kooperazzjoni stretta man-netwerks u l-organizzazzjonijiet eżistenti fiż-żona u mal-Kumitat tar-Reġjuni bħala rappreżentant tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u msieħba oħra importanti, abbażi tal-esperjenza tal-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku u l-istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju;

46.

ifakkar li skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-13 ta’ April 2011, dwar it-trasparenza, il-viżibbiltà u l-iskambju tal-aħjar prattika bejn l-istrateġiji tal-makroreġjuni, is-sħubija tal-makroreġjun Adrijatiku-Joniku, matul l-Open Days 2011, organizzat analiżi tal-kwistjonijiet makroreġjonali, fejn saret enfasi speċjali fuq il-proposta ta’ strateġija makroreġjonali għaż-żona Adrijatika-Jonika, permezz ta’ dibattitu bejn ir-rappreżentanti mit-13-il reġjun u belt tas-sħubija, kif ukoll permezz ta’ workshop tas-sħubijiet pubbliċi-privati u bil-preżentazzjoni ta’ proġetti speċifiċi fil-fażi tat-twettiq;

47.

jitlob lill-President iressaq din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja quddiem il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Presidenza attwali tal-Kunsill u l-imsieħba tagħha fit-trio presidenzjali.

Brussell, 11 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Xi strateġiji li qegħdin jitfasslu: l-Istrateġija dwar il-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż, l-Istrateġija dwar iż-Żona Alpina, l-Istrateġija dwar iż-Żona Atlantika, l-Istrateġija dwar il-Baħar l-Iswed, eċċ.


11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/14


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Regolamentazzjoni intelliġenti”

2012/C 9/04

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jemmen li regolamentazzjoni intelliġenti għandha timxi id f’id ma’ tnaqqis fil-burokrazija u piżijiet amministrattivi mhux għaċ-ċittadini u l-partijiet interessati biss iżda anki għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; madankollu, jirrifjuta approċċ kwantitattiv biss tar-regolamentazzjoni;

jinnota li f’ħafna mill-opinjonijiet ġie espress tħassib dwar il-livell ta’ konsultazzjoni jew l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-inizjattivi tal-UE. Ħafna drabi l-opinjonijiet jisħqu għal aktar involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija ta’ politiki u leġislazzjoni ġodda, fil-valutazzjoni tal-impatt potenzjali tagħhom u fl-implimentazzjoni tagħhom;

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE sabiex jagħtu attenzjoni iktar mill-qrib lill-gvern lokali u reġjonali huma u jfasslu l-leġislazzjoni, jevalwaw l-impatt tagħha u jfasslu modi kif jimplimentaw il-politiki u l-għanijiet tal-UE;

huwa tal-fehma li, flimkien mal-għan tal-Unjon Ewropea li tintlaħaq koeżjoni territorjali (Artikolu 3 tat-TUE), kemm il-klawżoli orizzontali tat-Trattat ta’ Lisbona dwar l-esiġenzi soċjali (Artikolu 9 tat-TFUE) u ambjentali (Artikolu 11 tat-TFUE), kif ukoll l-għan triplu tal-Istrateġija Ewropa 2020 jeħtieġu valutazzjonijiet tal-impatt li janalizzaw b’mod bilanċjat il-konsegwenzi tar-regolamentazzjoni minn perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali;

jistqarr li huwa lest li jassisti lill-istituzzjonijiet tal-UE fit-twettiq ta’ valutazzjonijiet tal-impatt, jekk ikun hemm bżonn data mingħand l-awtoritajiet lokali u reġjonali, filwaqt li jisħaq fuq ir-riżorsi limitati tiegħu u l-missjoni prinċipali tiegħu;

jikkunsidra li għandu jkun hemm approċċ komuni lejn il-valutazzjoni tal-impatt fl-istituzzjonijiet tal-UE u li l-KtR għandu jkun involut fil-formulazzjoni ta’ kwalunkwe approċċ tat-tip;

jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjanijiet għal reviżjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-KtR u l-Kummissjoni Ewropea b’kunsiderazzjoni tal-bidliet istituzzjonali li ġab miegħu t-Trattat ta’ Lisbona, il-bżonn tal-implimentazzjoni tal-governanza f’diversi livelli u l-evoluzzjoni tar-rwol politiku tal-KtR, filwaqt li jkun hemm dispożizzjoni għal titjib u żvilupp tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt kif ukoll it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għal kontribut tal-KtR fir-rapport annwali dwar regolamentazzjoni aħjar.

Relatur

Lord Graham TOPE (UK/ALDE) Membru tal-muniċipju ta’ Sutton, Londra

Dokumenti ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea COM(2010) 543 finali

Rapport mill-Kummissjoni dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità – (is-17-il rapport dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jkopri s-sena 2009)

COM(2010) 547 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.    Regolamentazzjoni intelliġenti

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-kunċett ta’ regolamentazzjoni intelliġenti li jikkonferma u jespandi l-idea ta’ ċiklu ta’ politika tal-UE fejn il-leġislazzjoni tiġi riveduta u adattata kontinwament għal sfidi u ċirkustanzi ġodda, ibbażati fuq evalwazzjoni bir-reqqa u l-esperjenza konkreta tal-implimentazzjoni;

2.

jemmen li regolamentazzjoni intelliġenti għandha timxi id f’id ma’ tnaqqis fil-burokrazija u piżijiet amministrattivi mhux għaċ-ċittadini u l-partijiet interessati biss iżda anki għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; madankollu, jirrifjuta approċċ kwantitattiv biss tar-regolamentazzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-prijoritajiet politiċi ma jkunux suġġetti għal konsiderazzjonijiet dwar il-volum globali tal-leġislazzjoni. Għalhekk, jitlob li l-valutazzjonijiet tal-impatt, fost affarijiet oħra, janalizzaw ukoll fiex isarraf in-nuqqas ta’ regolamentazzjoni Ewropea;

3.

jiddispjaċih li l-istrumenti ta’ regolamentazzjoni intelliġenti ma jidhrux li japplikaw għall-atti delegati u għall-implimentazzjoni tagħhom (“komitoloġija”). Fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri ma jidhirx li hemm monitoraġġ ċar jew trasparenza;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

4.

jiġbed l-attenzjoni għaż-żieda fir-referenzi għad-dimensjoni lokali u reġjonali tar-regolamentazzjoni intelliġenti u għall-attivitajiet u l-kapaċitajiet rilevanti tal-KtR bħala rikonoxximent tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ewropa fit-tfassil tal-politika tal-UE u fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni;

Konsultazzjoni

5.

jinnota li f’ħafna mill-opinjonijiet ġie espress tħassib dwar il-livell ta’ konsultazzjoni jew l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-inizjattivi tal-UE. Ħafna drabi l-opinjonijiet jisħqu għal aktar involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija ta’ politiki u leġislazzjoni ġodda, fil-valutazzjoni tal-impatt potenzjali tagħhom u fl-implimentazzjoni tagħhom;

6.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE sabiex jagħtu attenzjoni iktar mill-qrib lill-gvern lokali u reġjonali huma u jfasslu l-leġislazzjoni, jevalwaw l-impatt tagħha u huma u jfasslu modi kif jimplimentaw il-politiki u l-għanijiet tal-UE;

7.

jilqa’ għalhekk l-intenzjoni li jiġu riveduti l-proċeduri konsultattivi attwali u li jiġi estiż il-perjodu għar-rispons;

8.

jemmen li r-riżultati tal-konsultazzjoni għandhom jiġu ppubblikati u analizzati eż. kif intużaw is-sottomissjonijiet fl-abbozzar jew il-modifikar tal-proposta, liema kontribut ma ntużax eċċ.;

9.

jisħaq mill-ġdid fuq it-tħassib tiegħu li konsultazzjonijiet miftuħa jiffavorixxu rispondenti organizzati tajjeb u b’biżżejjed riżorsi jew l-interessi speċjali tal-minoritajiet; għalhekk ikompli jpoġġi valur għoli fuq ir-risposti tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-gvern lokali u risposti oħra;

Spejjeż amministrattivi u finanzjarji

10.

jinnota l-attivitajiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Piżijiet Amministrattivi (“Stoiber Group”);

11.

jenfasizza t-tħassib tiegħu li dan il-Grupp u l-Kummissjoni Ewropea jiffukaw esklussivament fuq il-piż dirett tal-liġi tal-UE fuq l-intrapriżi ż-żgħar. Filwaqt li jirrikonoxxi dan bħala impediment importanti għat-tkabbir ekonomiku, ifakkar li obbligi ta’ rappurtar li huma ta’ piż fuq l-awtoritajiet nazzjonali/reġjonali/lokali fl-aħħar mill-aħħar ifissru piżijiet amministrattivi għaċ-ċittadini u l-kumpaniji fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali, jikkunsidra li l-piż fuq il-korpi lokali u reġjonali wkoll għandu jiġi indirizzat u mitigat;

12.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva attwali tal-Grupp sabiex jidentifika prattika tajba fl-implimentazzjoni tal-liġijiet il-ġodda b’mod li tkun inqas ta’ piż u jfakkar fil-kontribut attiv tal-KtR permezz ta’ rapport dedikat u l-osservatur permanenti fil-grupp ta’ Stoiber, fil-ġbir tal-aqwa prattiki lokali reġjonali f’dan ir-rigward; jenfasizza, madanakollu, li l-enfasi tal-UE għandha tkun, l-ewwel u qabel kollox, fuq il-prevenzjoni ta’ piżijiet amministrattivi eċċessivi;

13.

jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità tal-2010 (it-18-il rapport dwar tfassil aħjar tal-liġijiet) u jqis ir-rapport bħala indikazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea qed tieħu in kunsiderazzjoni l-analiżi tas-sussidjarjetà li għamel il-KtR;

Il-valutazzjoni tal-impatt

14.

ifakkar li, skont it-Trattat ta’ Lisbona, kull abbozz ta’ att leġislattiv tal-UE għandu jinkludi valutazzjoni tal-impatt potenzjali tiegħu, filwaqt li jitqiesu wkoll il-livelli lokali u reġjonali;

15.

jerġa’ jisħaq fuq is-sinifikat tal-evalwazzjoni kemm ex ante kif ukoll ex post fit-tfassil tal-politika u l-leġislazzjoni, filwaqt li jilqa’ rwol iktar prominenti għall-evalwazzjoni ex post;

16.

jagħraf li l-isforzi sabiex tiġi ssemplifikata u mtejba l-leġislazzjoni Ewropea jinvolvu s-sejba ta’ bilanċ bejn valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li eżerċizzji bħal dawn ma jimponux piżijiet amministrattivi addizzjonali fuq il-livelli differenti ta’ gvern;

17.

jinnota r-Rapport Annwali tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB) għall-2010. Jikkunsidra li l-IAB għandu rwol importanti x’jaqdi iżda jista’ jibbenefika minn iktar indipendenza mill-Kummissjoni Ewropea;

18.

jemmen li dan juri li l-proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt u r-rwol tal-IAB ser iġibu magħhom monitoraġġ mill-qrib tal-prinċipju tas-sussidjarjetà f’isem is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea. Indikazzjoni ċara ta’ dan tinsab fir-rapport li jiġbed l-attenzjoni għal każijiet fejn id-data miġbura fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt wasslet lid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni biex jibdel fehmtu fir-rigward tal-bżonn u l-valur miżjud possibbli tal-leġislazzjoni;

19.

jinnota li r-rapport tal-IAB jidentifika tendenza li jsiru u jiġu ppubblikati valutazzjonijiet tal-impatt ta’ proposti leġislattivi finali u mhux fl-istadju bikri ta’ komunikazzjonijiet ta’ politika. Isejjaħ għal inizjattivi ta’ politika ta’ profil għoli u ta’ impatt għoli li jiġu akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt fi stadju bikri b’mod partikolari jekk l-għan ta’ proposti bħal dawn ikun li jinforma lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-firxa ta’ għanijiet speċifiċi ta’ politika iktar tard;

20.

jinnota li r-rapport IAB jirreferi għall-bżonn li tiġi inkluża valutazzjoni tal-impatti soċjali u tal-ispejjeż amministrattivi fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt imħejjija mid-Direttorati Ġenerali individwali. Madanakollu l-ebda referenza ma ssir għal valutazzjoni tal-impatti territorjali speċifiċi u għar-rwol potenzjali tal-KtR f’li jassisti l-Kummissjoni Ewropea fil-proċess tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tindirizza dan u li l-IAB jirraporta dwar il-progress li sar fir-rapport tiegħu tal-2011;

21.

jaħseb li hija idea tajba li d-DĠ REGIO jiġi involut bis-sħiħ fl-IAB, peress li huwa l-iżjed direttorat ġenerali qrib tal-kwistjonijiet li jolqtu lil-livell lokali u reġjonali;

22.

huwa tal-fehma li, flimkien mal-għan tal-Unjon Ewropea li tintlaħaq koeżjoni territorjali (Artikolu 3 tat-TUE), kemm il-klawżoli orizzontali tat-Trattat ta’ Lisbona dwar l-esiġenzi soċjali (Artikolu 9 tat-TFUE) u ambjentali (Artikolu 11 tat-TFUE), kif ukoll l-għan triplu tal-Istrateġija Ewropa 2020 jeħtieġu valutazzjonijiet tal-impatt li janalizzaw b’mod bilanċjat il-konsegwenzi tar-regolamentazzjoni minn perspettiva ekonomika, soċjali u ambjentali;

23.

huwa tal-fehma li valutazzjonijiet tal-impatt ta’ kwalità tajba u l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-leġislazzjoni jitolbu l-ħin u riżorsi umani sostanzjali bil-għan li jkun hemm kemm għarfien espert kif ukoll viżjoni globali;

24.

għandu d-dubji tiegħu dwar it-tendenza li l-valutazzjonijiet tal-impatt jiġu fdati f’idejn korpi “indipendenti”, jiġifieri li dan il-kompitu jiġi esternalizzat lil kumpaniji awtorizzati ta’ konsulenti jew kummissjonijiet ad hoc. Id-dubju dwar kemm esternalizzazzjonijiet ta’ din ix-xorta verament iwasslu għal iżjed trasparenza jew indipendenza huwa ġġustifikat. Barra minn hekk, dan kollu jikkontradixxi r-rwol tal-Kummissjoni li tirrappreżenta l-interess ġenerali Komunitarju. Hemm il-periklu wkoll li dan il-proċess jaġevola lil dawk li għandhom riżorsi biżżejjed biex iwettqu valutazzjonijiet ta’ din ix-xorta għad-detriment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-NGOs u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili jew tal-impjegati b’mezzi finanzjari bil-wisq iżjed modesti;

25.

jistqarr li huwa lest li jassisti lill-istituzzjonijiet tal-UE f’din il-ħidma, jekk ikun hemm bżonn data mingħand l-awtoritajiet lokali u reġjonali, filwaqt li jisħaq fuq ir-riżorsi limitati tiegħu u l-missjoni prinċipali tiegħu;

Arranġamenti interistituzzjonali

26.

ifakkar li l-impatt tal-liġijiet il-ġodda tal-UE fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkun ġej kemm mill-emendi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif ukoll mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni Ewropea. Jitlob lil dawn iż-żewġ istituzzjonijiet sabiex jagħtu iktar attenzjoni lill-impatt territorjali tad-deċiżjonijiet tagħhom matul il-proċess leġislattiv u joffri l-għarfien espert tiegħu fil-qasam. Jikkunsidra li għandhom jitqiesu l-possibbiltajiet konkreti għal kooperazzjoni bħal din tal-KtR mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt, il-kontroll tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-prinċipju u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE, kemm ex ante kif ukoll ex post;

27.

jitlob lir-relaturi tiegħu sabiex jikkunsidraw l-impatt tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom f’termini ta’ piżijiet finanzjarji u amministrattivi kif ukoll l-impatt fuq l-ambjent, in-nisġa soċjali, l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u s-soċjetà ċivili;

28.

jikkunsidra li għandu jkun hemm approċċ komuni lejn il-valutazzjoni tal-impatt fl-istituzzjonijiet tal-UE u li l-KtR għandu jkun involut fil-formulazzjoni ta’ kwalunkwe approċċ tat-tip;

29.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, fil-kuntest tas-sistema ta’ twissija bikrija mwaqqfa taħt it-Trattat ta’ Lisbona, tagħti piż adegwat lill-opinjonijiet raġonati tal-parlamenti nazzjonali anke jekk il-limitu tal-“karta s-safra” għadu ma ntlaħaqx. Minħabba r-rwol u r-responsabbiltajiet tiegħu fil-proċess ta’ monitoraġġ tas-sussidjarjetà, il-KtR jitlob lill-Kummissjoni Ewropea l-opinjonijiet raġonati mibgħuta mill-parlamenti nazzjonali, kif ukoll it-traduzzjonijiet tagħhom u t-tweġiba mogħtija mill-Kummissjoni;

30.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjanijiet għal reviżjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-KtR u l-Kummissjoni Ewropea b’kunsiderazzjoni tal-bidliet istituzzjonali li ġab miegħu t-Trattat ta’ Lisbona, il-bżonn tal-implimentazzjoni tal-governanza f’diversi livelli u l-evoluzzjoni tar-rwol politiku tal-KtR, filwaqt li jkun hemm dispożizzjoni għal titjib u żvilupp tal-kooperazzjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt kif ukoll it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għal kontribut tal-KtR fir-rapport annwali dwar regolamentazzjoni aħjar;

Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Governanza

31.

jikkunsidra li dan ir-raggruppament jipprovdi forum siewi għall-persunal tas-servizz ċivili fi ħdan l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej, fosthom il-KtR, li jagħmilha possibbli li jiddiskutu dwar kwistjonijiet prattiċi fil-governanza Ewropea u l-iskambju ta’ prattika tajba;

32.

jiddispjaċih għalhekk li mhux ser tiġi organizzata laqgħa sħiħa mill-Presidenza Ungeriża jew minn dik Pollakka tal-UE fl-2011 u jitlob li din issir fl-2012;

B.    Sussidjarjetà

33.

ifakkar li t-Trattat ta’ Lisbona jirreferi b’mod espliċitu għall-awtonomija governattiva u għad-dimensjoni lokali u reġjonali tal-prinċipju tas-sussidjarjetà li jfisser li l-UE trid tirrispetta l-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali meta tipproponi u tadotta leġislazzjoni ġdida bbażata fuq kompetenzi kondiviżi. Ifakkar ukoll li t-Trattat ta’ Lisbona jagħti lill-KtR rwol ewlieni fil-qasam tas-sussidjarjetà, li jimplika li mhuwiex limitat biss li jiddefendi r-rispett tal-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda li jippromovi wkoll ir-rispett tas-sussidjarjetà fil-livelli kollha tal-governanza;

34.

itenni l-impenn tal-KtR li jkompli jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea fl-integrazzjoni tal-governanza f’diversi livelli fl-istrateġiji prinċipali tal-UE u l-politiki komuni, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020;

35.

jiġbed l-attenzjoni għar-“Rapport Annwali dwar is-Sussidarjetà fl-2010” tal-KtR, li ġie adottat mill-Bureau tal-KtR fl-4 ta’ Marzu 2011, flimkien mat-temi li ser jistrutturaw il-programm ta’ ħidma tan-Netwerk tal-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà (SMN). Dan ir-rapport jidentifika t-tisħiħ tal-monitoraġġ tas-sussidjarjetà u l-kontribut sabiex tiġi integrata kultura tas-sussidjarjetà fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE, bħala prijoritajiet prinċipali tal-KtR;

36.

jilqa’ b’mod pożittiv il-fatt li l-ebda opinjoni ma sabet ksur dirett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Dan juri s-serjetà li biha l-Kummissjoni Ewropea tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u jenfasizza l-valur li għandu r-rwol ta’ skrutinju tal-KtR;

37.

jilqa’ n-numru li qed jiżdied ta’ konsultazzjonijiet tan-Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà li għandu l-potenzjal li jipprovdi kummenti prattiċi dettaljati minn firxa wiesgħa ta’ korpi lokali u reġjonali. Jitlob lill-imsieħba fin-NMS sabiex jimpenjaw ruħhom b’mod iktar sħiħ fl-attivitajiet u l-konsultazzjonijiet tan-netwerk sabiex iżidu r-rappreżentattività tar-riżultati tal-attivitajiet konsultattivi tiegħu;

38.

jagħraf il-bżonn ta’ traspożizzjoni f’waqtha, preċiża u effettiva tal-liġi tal-UE u l-applikazzjoni korretta tagħha fil-livelli kollha tal-gvern fl-Istati Membri u huwa konxju li l-proċeduri ta’ ksur xi drabi jistgħu jkunu neċessarji sabiex jippenalizzaw nuqqas ta’ konformità jew jaġixxu ta’ deterrent; jesprimi madankollu tħassib dwar il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tistipola b’mod iktar regolari meta u kif il-gvernijiet tal-Istati Membri jinfurzaw il-konformità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-infurzar għandu jkun ir-responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali stess u tal-gvernijiet reġjonali fejn dan ikun adatt, sakemm jiġi żgurat il-ksib tal-għanijiet ġenerali tal-leġislazzjoni tal-UE.

Brussell, 11 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/18


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Reviżjoni tal-‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”

2012/C 9/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jirrikonoxxi l-kisbiet li saru s’issa marbuta mal-attivitajiet implimentati permezz tal Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act - SBA) iżda jirrakkomanda bil-qawwa li, biex il-Kummissjoni u, b’mod partikolari, l-Istati Membri, ikunu jistgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom b’mod iżjed sostanzjali, jeħtieġ li l-SBA isir iżjed vinkolanti politikament bil-għan li jiġu żgurati livelli ogħla u iżjed konformi ta’ implimentazzjoni, u bil-għan li jingħelbu l-ostakli attwali għall-adozzjoni sħiħa tal-SBA;

huwa tal-fehma li l-SBA jitlob tmexxija politika u jemmen li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tinkludi rikonoxximent iżjed espliċitu tal-SBA, biex din il-politika tingħata struttura ta’ governanza iżjed stabbli billi jiġi adottat pjan direzzjonali adatt li jenfasizza l-passi prinċipali kollha li l-Istati Membri għandhom iwettqu u li jridu jiddaħħlu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR);

jipprevedi opportunitajiet ikbar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-SBA u jħeġġeġ rikonoxximent iżjed espliċitu tad-dimensjoni lokali u reġjonali bil-għan li jitħeġġeġ kemm approċċ minn isfel għal fuq (bottom-up) kif ukoll approċċ minn fuq għal isfel (top-down) u viżibbiltà ikbar lill-SBA fl-UE. Għalhekk jikkonkludi li hemm bżonn ta’ livell ogħla ta’ komunikazzjoni u prijoritizzazzjoni tal-Att fl-UE, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

jenfasizza l-fatt li l-ikbar sfida għall-SMEs hija l-aċċess għall-finanzjament u dan jitlob azzjoni konġunta fl-istadji li jmiss tal-SBA; jenfasizza wkoll l-importanza tal-isforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għas-swieq kif ukoll għat-tnaqqis sostanzjali fil-piżijiet amministrattivi;

jiddispjaċih ħafna li l-impenn li l-SBA jagħmel parti integrali mill-Istrateġija ta’ Lisbona u, imbagħad, mill-Istrateġija Ewropa 2020 ma ġiex rispettat; minħabba f’hekk, s’issa intilfet l-opportunità li l-PNR jintużaw bħala għodda prinċipali ta’ implimentazzjoni tal-SBA. Għalhekk, għal darb’oħra jitlob b’mod urġenti li l-prinċipji u l-għanijiet tal-SBA jiġu integrati fl-Istrateġija Ewropa 2020 u fl-implimentazzjoni tal-PNR.

Relatur

Is-Sinjura Constance HANNIFFY (IE/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Offaly, l-Awtorità Reġjonali ta’ Midland u l-Assemblea Reġjonali ta’ Border, Midland u l-Punent

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Reviżjoni tal-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa

COM(2011) 78 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-“Reviżjoni tal-‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa” – minn issa ’l quddiem imsejjaħ SBA (Small Business Act) u jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-fatt li qed titkompla l-ħidma biex l-aġenda marbuta ma’ din il-politika ta’ importanza tant kbira titwettaq bil-għan li tappoġġja l-iżvilupp, it-tkabbir u s-sostenibbiltà tal-SMEs fl-UE kollha;

2.

jenfasizza bil-qawwa l-bżonn li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet prinċipali li qed ixekklu l-implimentazzjoni tal-SBA fil-livelli kollha ta’ gvern fl-Unjoni Ewropea u jħeġġeġ prijoritizzazzjoni ikbar tal-iżjed elementi importanti tal-SBA mill-Istati Membri – it-telf ta’ 3,5 miljun impjieg (1) fi ħdan l-SMEs fl-Ewropa minħabba l-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali huwa x-xhieda xejn sabiħa li din il-kwistjoni trid titpoġġa fil-quċċata tal-aġenda politika;

3.

jirrikonoxxi l-kisbiet li saru s’issa marbuta mal-attivitajiet implimentati permezz tal-SBA iżda jirrakkomanda bil-qawwa li, biex il-Kummissjoni u, b’mod partikolari, l-Istati Membri, ikunu jistgħu jilħqu l-għanijiet tagħhom b’mod iżjed sostanzjali, jeħtieġ li l-SBA isir iżjed vinkolanti politikament bil-għan li jiġu żgurati livelli ogħla u iżjed konformi ta’ implimentazzjoni, u bil-għan li jingħelbu l-ostakli attwali għall-adozzjoni sħiħa tal-SBA;

4.

jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-aspetti tal-SBA marbuta mal-governanza, b’mod partikolari l-ħolqien ta’ Rappreżentanti tal-SMEs fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri, li flimkien mar-Rappreżentant Speċjali għall-SMEs fi ħdan il-Kummissjoni jridu jieħdu f’idejhom l-implimentazzjoni tal-SBA fl-Ewropa;

5.

huwa tal-fehma li s-SBA jitlob tmexxija politika u jemmen li l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tinkludi rikonoxximent iżjed espliċitu tal-SBA, biex din il-politika tingħata struttura ta’ governanza iżjed stabbli billi jiġi adottat pjan direzzjonali adatt li jenfasizza l-passi prinċipali kollha li l-Istati Membri għandhom iwettqu u li jridu jiddaħħlu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR);

6.

jipprevedi opportunitajiet ikbar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-SBA u jħeġġeġ rikonoxximent iżjed espliċitu tad-dimensjoni lokali u reġjonali bil-għan li jiġi inkoraġġit kemm approċċ minn fuq għal isfel (bottom-up) kif ukoll approċċ minn fuq għal isfel (top-down) u viżibbiltà ikbar lill-SBA fl-UE;

7.

jenfasizza l-fatt li l-ikbar sfida għall-SMEs hija l-aċċess għall-finanzjament u dan jitlob azzjoni konġunta fl-istadji li jmiss tal-SBA; jenfasizza wkoll l-importanza tal-isforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għas-swieq kif ukoll għat-tnaqqis sostanzjali fil-piżijiet amministrattivi;

8.

jenfasizza mill-ġdid l-importanza kontinwa li jingħata appoġġ adegwat lill-SMEs li jiżgura s-sostenibbiltà fit-tul ta’ firxa differenti ta’ intrapriżi. Apparti l-enfasi fuq start-ups b’livell għoli ta’ potenzjal u SMEs ġodda u orjentati lejn l-esportazzjoni, għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-intrapriżi stabbiliti u dawk li jkunu qed jiġu żviluppati u ristrutturati u jirrikonoxxi wkoll l-isfidi li jiffaċċjaw l-SMEs iffukati fuq il-livell lokali u domestiku, li fl-aħħar mill-aħħar huma vitali għall-ekonomiji lokali u reġjonali;

9.

jenfasizza wkoll li l-politika fil-qasam tal-SBA u l-SMEs – fil-livelli kollha – trid tissodisfa u taħdem flimkien ma’ mudelli differenti ta’ intrapriżi: dawn jinkludu l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-industriji kulturali u kreattivi (prekummerċjali u kummerċjali), il-kooperattivi u forom legali simili, bil-għan li jinħoloq l-ikbar numru ta’ impjiegi possibbli u jkun hemm l-aqwa ekonomija sostenibbli possibbli;

L-iżgurar ta’ livell għoli ta’ implimentazzjoni u governanza aħjar

10.

jiddispjaċih ħafna li l-impenn li s-SBA jagħmel parti integrali mill-Istrateġija ta’ Lisbona u, imbagħad, l-Istrateġija Ewropa 2020 ma ġiex rispettat; minħabba f’hekk, s’issa intilfet l-opportunità li l-PNR jintużaw bħala għodda prinċipali ta’ implimentazzjoni tal-SBA; għalhekk, għal darb’oħra jitlob b’mod urġenti li l-prinċipji u l-għanijiet tal-SBA jiġu integrati fl-Istrateġija Ewropa 2020 u l-implimentazzjoni tal-PNR;

11.

huwa diżappuntat bil-varjazzjoni fil-livell ta’ implimentazzjoni tal-SBA mill-Istati Membri. Filwaqt li dan huwa rikonoxxut fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-fatturi li jikkawżaw dawn id-differenzi ma ġewx eżaminati għalkollox – hemm bżonn ta’ livell ogħla ta’ responsabbiltà min-naħa tal-Istati Membri biex iwettqu l-għanijiet tal-SBA; għalhekk jikkonkludi li hemm bżonn ta’ livell ogħla ta’ komunikazzjoni u prijoritizzazzjoni tal-Att fl-UE, fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

12.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħatriet li saru mill-Istati Membri tar-Rappreżentanti tal-SMEs fil-livell nazzjonali u jitlob bil-ħerqa li r-Rappreżentanti kollha jissodisfaw bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tagħhom biex jiżguraw li l-amministrazzjonijiet “jaħsbu l-ewwel fiż-żgħir” u jikkunsidraw l-isfidi għall-SMEs fl-iżvilupp tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri li jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq l-ambjenti operattivi tal-SMEs;

13.

josserva li ħafna Rappreżentanti tal-SMEs huma maqsuma bejn ħatriet politiċi u amministrattivi u jirrakkomanda li iktar Stati Membri jagħmlu ħatriet politiċi bil-għn li jipprovdu sinjal iżjed b’saħħtu ta’ prijoritizzazzjoni u impenn għall-implimentazzjoni tal-SBA u l-indirizzar tal-isfidi tal-SMEs;

14.

isostni li d-dipendenza mill-programmi u strumenti finanzjarji differenti li kienu jeżistu qabel għall-ksib tal-għanijiet tal-SBA, mingħajr fondi addizzjonali jew dedikati, hija nuqqas fundamentali;

15.

josserva l-ħatra ta’ Rappreżentant tal-SMEs fl-UE iżda għal darb’oħra jenfasizza li l-Komunikazzjoni ma tindirizzax biżżejjed ir-rwol tar-Rappreżentant tal-SMEs u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-Rappreżentant tal-SMEs jingħata biżżejjed riżorsi finanzjarji u appoġġ adegwat fil-livell politiku bil-għan li l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-SBA tirnexxi u bil-għn li tissaħħaħ il-viżibbiltà u s-sensibilizzazzjoni ta’ attività ta’politika marbuta mal-SMEs;

16.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni li jiġi stabbilit Grupp Konsultattiv tal-SBA magħmul mill-Istati Membri, ir-Rappreżentanti tal-SMEs u rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-SMEs u jitlob li l-Kumitat tar-Reġjuni jkun inkluż bħala membru ta’ dan il-Grupp Konsultattiv, fid-dawl tax-xewqa li l-SBA jkollu impatt fuq il-livelli kollha tal-governanza u mhux biss fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

17.

jissuġġerixxi li fi ħdan l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma mħeġġa jadottaw il-prinċipji tal-SBA u jadattaw il-miżuri tiegħu għaċ-ċirkustanzi lokali/reġjonali; jikkunsidra li l-iskema Reġjun Intraprenditorjali Ewropew tista’ sservi ta’ ispirazzjoni f’dan ir-rigward;

18.

jirrikonoxxi l-adozzjoni b’suċċess tal-biċċa l-kbira tal-proposti leġislattivi tal-SBA u jħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw l-Istatut għal Kumpanija Privata Ewropea, li fl-aħħar mill-aħħar jinkoraġġixxi użu iżjed mifrux tas-Suq Uniku, permezz tat-tnaqqis tal-ispiża marbuta mat-twaqqif tal-kumpaniji, u jissemplifika l-qafas regolatorju biex jiffaċilita l-kummerċ transkonfinali;

19.

jitlob bil-ħerqa lill-Istati Membri li jadottaw u jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard u jenfasizza li l-infurzar ta’ din id-Direttiva jibqa’ l-kwistjoni prinċipali u l-Istati Membri għandhom jaħdmu biex itejbu l-kultura tal-ħlas fost l-intrapriżi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi;

20.

jenfasizza li l-proposta li jiġu introdotti eżenzjonijiet leġislattivi għal ċerti tipi ta’ kumpaniji, start-ups jew mikrointrapriżi għandha tiġi implimentata, fejn ikun xieraq, b’tali mod li dan ma jwassalx għall-ħolqien ta’ intrapriżi “mhux ikkwotati” (second-tier) u konfużjoni fis-suq;

21.

jitlob li l-Analiżi tal-Prestazzjoni tkun applikata b’mod iżjed rigoruż bil-għan li tikkontrolla, tivvaluta u tqabbel il-prestazzjoni tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-SBA u jitlob ukoll li kull informazzjoni minn din l-analiżi tkun disponibbli pubblikament, biex taġixxi kemm bħala għodda tal-komunikazzjoni kif ukoll bħala motivazzjoni biex l-Istati Membri jħabirku iżjed;

It-titjib fl-aċċess għall-finanzi

22.

jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi li jiffaċċjaw l-SMEs minħabba l-fatt li l-istituzzjonijiet finanzjarji – li ħarġu mill-kriżi finanzjarja fis-settur bankarju internazzjonali li għada għaddejja – introduċew kundizzjonijiet iżjed ibsin għall-għoti tal-kreditu (2) u josserva wkoll l-impatt sproporzjonat fuq l-SMEs minħabba li huma perċepiti bħala korpi b’livell ogħla ta’ riskju tal-kreditu, li fl-aħħar mill-aħħar idgħajjef bil-bosta l-kapaċità tagħhom li jissopravivu u joperaw fil-perjodu qasir u medju ta’ żmien;

23.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq il-konklużjonijiet tat-tieni laqgħa tal-Forum permanenti tal-Finanzjament tal-SMEs li saret f’Marzu 2011 u jilqa’ bi pjaċir kbir l-inizjattivi li ħadet il-Kummissjoni biex tindirizza l-kwistjoni tal-aċċess għall-faċilitajiet tal-kreditu bħall-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament għall-Progress u l-impenn li jinħoloq pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament fuq bażi kummerċjali soda;

24.

huwa favur il-pjan ta’ azzjoni għall-SBA li għandu jiffoka fuq il-kundizzjonijiet operattivi diffikultużi li jiffaċċjaw l-SMEs huma u jfittxu li jkollhom aċċess għall-finanzjament, pereżempju: (i) iżjed trasparenza bejn il-banek, istituzzjonijiet finanzjarji oħra u l-SMEs; (ii) taħlita ta’ dejn u ekwità; (iii) iż-żieda fil-volum tas-self permezz ta’ titolizzazzjoni; (iv) investiment transkonfinali iżjed faċli fil-kapital ta’ riskju; u (v) regolamentazzjoni aħjar tal-mikrokreditu;

25.

huwa tal-fehma li l-one-stop-shop propost għall-finanzjament tal-SMEs għandu l-merti tiegħu iżda jissuġġerixxi li din il-proposta tiġi eżaminata iżjed bir-reqqa u, bħala l-ewwel pass, jirrakkomanda t-tfassil ta’ mappa tal-appoġġ kollu disponibbli għall-SMEs (li għandu jinkludi l-programmi ta’ appoġġ fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, reġjonali u lokali u l-aġenziji tal-appoġġ) fil-livell nazzjonali/reġjonali, skont kif meħtieġ; jirrakkomanda wkoll li mudelli oħra li rnexxew u li jagħtu valur miżjud lill-SMEs permezz ta’ sistema integrata, b’referenzi inkroċjati ta’ appoġġi għan-negozji, jitqiesu mill-Kummissjoni Ewropea u promossi b’mod aktar mifrux fil-livell lokali u reġjonali;

26.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li l-implimentazzjoni effettiva tas-Small Business Act tiġi inkluża bħala kundizzjonalità ex-ante tematika għall-Fondi tal-UE taħt il-Qafas Strateġiku Komuni propost, u l-inklużjoni ta’ investimenti fl-SMEs bħala prijorità tematika fl-abbozz tar-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FEŻR), li għandha tgħin biex l-objettivi tal-SBA jitwettqu fir-realtà fil-livell lokali/reġjonali f’kull Stat Membru;

27.

huwa tal-fehma li n-natura u l-ħtiġijiet differenti tal-programmi tal-Unjoni Ewropea disponibbli għall-SMEs jirrappreżentaw nuqqas mill-perspettiva ta’ aċċess għall-finanzjament u jipproponi titjib fil-ġbir ta’ strumenti u finanzi Komunitarji għall-SMEs fil-baġit tal-UE; jitlob appoġġ aktar b’saħħtu fil-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għall-programmi u l-istrumenti kollha bil-għan li jinħolqu l-SMEs u f’dan ir-rigward b’mod ġenerali jilqa’ l-proposti relatati mal-SMEs li ssemmew fil-proposta tal-Kummissjoni għall-2014-2020 iżda ser jiddeċiedi wara li jintlaħaq ftehim dwar il-baġits finali, il-volumi speċifiċi għall-appoġġ tal-SME u l-implimentazzjoni konkreta;

28.

jinsab imħasseb dwar il-fatt li, wara l-2013, il-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni, bħala parti mill-Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni mhux ser jipprovdi b’mod adegwat għall-ħtiġijiet tal-SMEs u għaldaqstant jirrakkomanda pilastru speċifiku għall-SMEs f’dan il-qafas; jitlob għal aktar aċċessibbiltà u adattament tal-istrumenti ta’ finanzjament skont il-bżonnijiet tal-SMEs, permezz ta’ enfasi iktar qawwija fuq l-istrumenti finanzjarji ta’ mikrofinanzjament u dawk immedjati, l-estensjoni u l-espansjoni tal-istrumenti ta’ garanzija tal-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji taħt il-Programm Qafas għar-Riċerka u użu aktar intelliġenti tal-prodotti tal-Bank Ewropew tal-Investiment bħal JASMINE u JEREMIE;

29.

jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li testendi l-qafas temporanju tal-Għajnuna mill-Istat, li jippermetti għajnuna addizzjonali għall-SMEs sal-aħħar tal-2011, u huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha testendi din l-iskema għal wara l-2011, bil-kundizzjoni li ssir analiżi tal-prestazzjoni tal-qafas biex jilħaq l-għanijiet tiegħu;

30.

jipproponi lill-gvernijiet nazzjonali biex jikkunsidraw inċentivi fiskali għal start-ups kummerċjali innovativi u żgħar fl-ewwel snin tal-operat tagħhom;

31.

il-proposta tal-Kummissjoni li tissorvelja għadd ikbar ta’ SMEs benefiċjarji – permezz ta’ skemi iżjed imsaħħa ta’ garanziji ta’ self bil-għan li jiġu appoġġjati l-investimenti, it-tkabbir, l-innovazzjoni u r-riċerka – hija ta’ inkoraġġiment; barra minn hekk, jirrikonoxxi d-deskrizzjoni tal-proposti biex tiġi introdotta leġislazzjoni bil-għan li s-suq tal-kapital ta’ riskju jaħdem b’mod iżjed effettiv;

Regolamentazzjoni aħjar għall-benefiċċju tal-SMEs

32.

jenfasizza l-importanza ta’ ambjent operattiv regolatorju u amministrattiv għall-SMEs issemplifikat, iżjed ċar u konsistenti, u huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-applikazzjoni tat-“test tal-SMEs” huwa vitali f’dan ir-rigward;

33.

jitlob applikazzjoni iżjed sistematika tat-“test tal-SMEs” fil-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt, li għandu jinkludi komunikazzjonijiet relatati mal-politika bikrija u l-proposti leġislattivi, u jissuġġerixxi wkoll li dan il-proċess jissaħħaħ jekk il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt ikun iżjed indipendenti mill-Kummissjoni;

34.

jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri kollha japplikaw it-“test tal-SMEs” u l-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”, mhux biss fir-rigward tal-leġislazzjoni nazzjonali iżda wkoll tal-oqfsa ta’ politika u l-proċeduri amministrattivi li jolqtu lill-SMEs u jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tivvaluta kif jiġi applikat it-“test tal-SMEs” fl-Istati Membri, bħala parti mill-Analiżi tal-Prestazzjoni tal-SMEs;

35.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li tgħin lill-Istati Membri jevitaw li jelaboraw iżżejjed il-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“goldplating”) kif irrakkomanda l-Kumitat fl-opinjoni preċedenti tiegħu dwar l-SBA billi enfasizza l-ostakli konsiderevoli għad-dħul u l-espansjoni fuq skala mikro kkawżati mill-gold plating tal-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea;

36.

jappoġġja bis-sħiħ il-prinċipju ta’ “darba biss” u jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali japplikawh għat-talbiet kollha għal informazzjoni amministrattiva u regolatorja mill-SMEs; iżda, jenfasizza li hemm ċerta evidenza li, f’dawk il-każi fejn l-awtoritajiet pubbliċi ppruvaw jimplimentaw prattiki msejsa fuq dan il-prinċipju u jaqsmu d-data, tqajmu xi oġġezzjonijiet fuq il-bażi ta’ protezzjoni u ħżin tad-data;

37.

jappoġġja l-wegħda tal-Kummissjoni li tressaq sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika fl-2011 bil-għan li tissemplifika u tindirizza l-isfidi li jeżistu għat-tneħħija tal-ostakli għat-trasferiment tan-negozju u għal darb’oħra jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din hija kwistjoni partikolarment rilevenati għat-trsferiment tal-intrapriżi bejn membri tal-istess familja, l-iżjed peress li għadd kbir ta’ sidien tal-SMEs qed jixjieħu u ser jirtiraw mill-intrapriżi tal-familja tagħhom fl-għaxar snin li ġejjin; bl-istess mod, jenfasizza li hemm kwistjonijiet simili fil-każ ta’ SMEs immexxija mis-sidien stess (owner-operator);

38.

jiddispjaċih li s’issa ftit li xejn sar progress fil-qasam tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri relatati mal-falliment u għalhekk jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprijoritizzaw din il-kwistjoni; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tindirizza l-isfidi simili iżda differenti li jiffaċċjaw l-intraprendituri li ma rnexxilhomx iżommu ħajja l-intrapriża tagħhom iżda ma ġewx iddikjarati formalment li huma falluti;

39.

jenfasizza d-diffikultà li jiffaċċjaw l-intraprendituri li ma jkollhomx suċċess biex jidħlu fis-sistemi ta’ sigurtà soċjali tal-Istati Membri, meta mqabbel mad-drittijiet tal-impjegati tagħhom, meta ma jistgħux jagħmlu mod ieħor ħlief jagħlqu n-negozji tagħhom;

L-iffaċilitar tal-aċċess għas-swieq

40.

jappoġġja l-applikazzjoni taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) għall-intrapriżi kollha fl-Ewropa u jaqbel bis-sħiħ mal-istqarrija tal-Kunsill tas-SEPA ta’ Mejju 2011 (3) li titlob l-adozzjoni urġenti ta’ Regolament li jistabbilixxi l-iskadenzi għall-migrazzjoni kemm tat-Trasferiment tal-Kreditu tas-SEPA kif ukoll id-Debitu Dirett tas-SEPA; ġaladarba jkun adottat, ser jissostitwixxi l-iskemi eżistenti fi ħdan l-Istati Membri għat-trasferiment tal-kreditu u d-debitu dirett, li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għat-twaqqif iżjed rapidu u effiċjenti tal-implimentazzjoni tas-SEPA;

41.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ddikjarat li qed timpenja ruħha li timplimenta bis-sħiħ il-kodiċi Ewropea tal-aħjar prattika dwar l-iffaċilitar tal-aċċess għall-akkwist pubbliku u jħeġġeġ rispons iżjed b’saħħtu mill-Kummissjoni u l-Istati Membri għat-talbiet preċedenti tal-Kumitat għall-promozzjoni ta’ miżuri kontraenti innovattivi favur iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-SMEs fl-akkwist pubbliku, pereżempju t-tqassim ta’ għadd ikbar ta’ offerti f’lottijiet jew l-inklużjoni tal-opportunitajiet għall-kooperazzjoni fis-sejħiet għall-offerti, fejn ikun meħtieġ;

42.

għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni tippromovi l-possibbiltà fil-livell nazzjonali li l-offerenti japplikaw għal passaport tal-akkwist (sistema ta’ reġistrazzjoni elettronika), li juri li SME għandha d-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni li sikwit jintalbu mill-awtoritajiet kontraenti matul kuntratt tal-akkwist. Il-fatt li għandhom japplikaw darba biss għall-passaport ifisser li l-SMEs m’għandhomx jippreżentaw l-istess dikjarazzjonijiet u dokumenti b’mod ripetut. Dan jiffranka l-ħin u r-riżorsi għall-SMEs li sikwit jieħdu sehem fi proċeduri ta’ akkwist. Passaport tal-akkwist bħal dan ikun validu għal perjodu speċifiku, peress li ċ-ċertifikati rilevanti għandhom validità limitata. Diġà hemm sistemi bħal dawn li qed jitħaddmu u sal-lum il-ġurnata l-esperjenza kienet pożittiva;

43.

jerġa’ jiġbed l-attenzjoni fuq il-potenzjal li fil-biċċa l-kbira tiegħu ma ġiex sfruttat fil-qasam tal-akkwist elettroniku u jirrikonoxxi t-talba li saret lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw rikonoxximent reċiproku tal-identifikazzjoni elettronika u l-awtentikazzjoni elettronika fl-UE sal-2012; għal dan il-għan, il-KtR jinkoraġġixxi l-Kummissjoni tanalizza l-progress li sar b’rabta ma’ din il-miżura fl-2011 biex tiżgura li qed jittieħdu l-passi adatti u biex tidentifika l-kwistjonijiet li jitolbu attenzjoni fl-implimentazzjoni tagħha;

44.

jissuġġerixxi li l-vantaġġi mil-lat ta’ tnaqqis fl-ispejjeż li jipprovdu s-soluzzjonijiet tal-ICT jitolbu użu ikbar, meta wieħed iqis il-fatt li terz biss tal-kuntratti tal-akkwist pubbliku fl-Unjoni Ewropea huwa attwalment aċċettat f’format elettroniku u għalhekk jitlob li dan ikun indirizzat aħjar fl-SBA u implimentat mill-Kummissjoni u l-Istati Membri;

45.

għal darb’oħra jenfasizza t-theddida dejjem tikber tas-suq iswed għall-vijabbiltà tal-SMEs leġittimi u jitlob li l-Kummissjoni tindirizza l-isfidi li dan jippreżenta mil-lat ta’ kompetizzjoni inġusta u kummerċ mhux regolat, b’mod partikolari għandhom jiġu introdotti miżuri li jistgħu jtejbu l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u jiġġieldu aħjar il-falsifikazzjoni;

Promozzjoni tal-intraprenditorjat

46.

jirrikonoxxi l-importanza tal-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ kultura tal-intraprenditorjat; jitlob lill-Istati Membri jagħmlu enfasi ikbar fuq il-promozzjoni tat-tagħlim intraprenditorjali u t-trawwim ta’ mod ta’ ħsieb favur l-intraprenditorjat għall-istudenti u matul it-taħriġ tal-għalliema;

47.

jirrakkomanda l-konsolidazzjoni tal-premju tar-Reġjun Intraprenditorjali Ewropew bħala parti mill-implimentazzjoni tal-SBA biex tiġi promosssa l-intraprenditorija u bħala għodda biex jingħaqdu r-reġjuni u jinfirxu l-aħjar prattiki lokali u reġjonali fir-rigward tal-appoġġ għall-SMEs;

48.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-valutazzjoni tal-programm “Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ” u huwa tal-fehma li l-fażi pilota tal-programm laħqet ħafna mill-għanijiet tagħha u pprovdiet valur miżjud tal-UE ġenwin; jappoġġja l-idea li dan il-programm jiġi estiż fid-dawl tal-fatt li n-nuqqasijiet prinċipali tal-fażi pilota ġew solvuti, b’mod partikolari: (a) komunikazzjoni iżjed effettiva tal-inizjattiva inġenerali u promozzjoni aħjar tal-benefiċċji għall-parteċipanti u l-ospitanti; (b) it-twaqqif ta’ punti ta’ kuntatt lokali/nazzjonali bil-għan li jissolvew il-problemi relatati mal-komunikazzjoni u l-promozzjoni; (c) bilanċ ġeografiku ikbar fil-parteċipazzjoni; (d) il-provvediment ta’ programm li jindirizza l-ħtiġijiet tal-parteċipanti li jkunu lestew il-programme (aftercare programme) biex jikkonsolidaw l-esperjenza li kisbu: u (e) finanzjament iżjed sod għall-programm;

49.

jirrikonoxxi u jappoġġja l-ħolqien ta’ skemi ta’ konsulenza (mentoring schemes) għall-intraprendituri nisa u jerġa’ jiġbed l-attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-intraprendituri immigranti li minħabba fiċ-ċirkostanzi, ġeneralment huma iktar intraprendenti u jibżgħu inqas mir-riskju u jirrakkomanda li jitqiesu wkoll il-ħtiġijiet taż-żgħażagħ, il-minoranzi u l-intraprendituri mdaħħlin iżjed fl-età u għandu jkun hemm distinzjoni bejn l-isfidi u l-ħtiġijiet differenti tal-intraprendituri mill-Unjoni Ewropea u l-migranti intraprendituri minn pajjiżi terzi;

50.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva ewlenija fi ħdan l-Istrateġija Ewropa 2020 “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”, li tindirizza wħud mill-karatteristiċi u l-isfidi speċifiċi għall-SMEs, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki tal-ħiliet u l-impjiegi jiġu żviluppati fil-kuntest tal-SBA biex isir l-aħjar użu possibbli tal-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-ħiliet mal-SMEs.

Brussell, 12 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Stima meħuda mir-Rapport Annwali dwar l-SMEs Ewropej fl-2010 li ser jiġi ppubblikat bħala parti mill-Analiżi tal-Prestazzjoni tal-SMEs (http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm)

(2)  Pereżempju, l-applikazzjonijiet għas-self – li ġew aċċettati – mingħand l-intrapriżi naqqsu minn 90 % fl-2007 għal 50 % fl-2010 fl-Irlanda. Sors: l-Uffiċju Ċentrali tal-Istatistika (2011). Aċċess għall-Finanzi 2007 u 2010.

(3)  http://www.ecb.int/paym/sepa/pdf/SEPA_Council_statement_3rd_meeting.pdf


11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/23


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-komplementarjetà tal-interventi Nazzjonali u Ewropej għat-tnaqqis tal-iżbilanċi fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali”

2012/C 9/06

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jittama li jkunu jistgħu jinsabu indikaturi komplementari għall-PDG li jistabbilixxu l-qagħda inizjali ta’ kull reġjun u permezz t'hekk juru b'mod aktar sinifikanti l-progress li jsir fit-tnaqqis tad-diverġenzi li jeżistu bejn ir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea u fi ħdanhom;

iqis li hemm bżonn li, fejn jeżistu strutturi differenti għall-implimentazzjoni tal-interventi nazzjonali u Ewropej, ikun hemm kooperazzjoni akbar bejn il-livelli differenti ta’ governanza kkonċernati sabiex jiġu evitati l-interventi doppji u ineffikaċi. Fil-fatt, jemmen li l-aħjar sinerġija possibbli tista' tinkiseb permezz ta’ programmazzjoni integrata ta’ kull intervent ta’ żvilupp li jsir f'territorju, iżda wkoll permezz ta’ ġestjoni kkoordinata ħafna. Għaldaqstant, jaħseb li jkun siewi li jiġu intensifikati d-djalogu u l-kooperazzjoni – li tinħoloq b'riżultat ta’ dan – bejn il-livelli differenti ta’ governanza, sabiex jiżguraw aktar koerenza u komplementarjetà bejn id-diversi interventi nazzjonali u Ewropej;

għalhekk, huwa tal-fehma li, b'konformità mal-prinċipju tas-sħubija, is-suċċess tal-interventi nazzjonali u Ewropej ma jistax jeskludi l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kompetenti responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

jappoġġja l-idea ta’ approċċ li jsaħħaħ l-effikaċja tal-politika ta’ koeżjoni, permezz ta’ enfasi akbar fuq ir-riżultati, u mhuwiex kontra l-prinċipju li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ex-ante; madankollu, jenfasizza li l-kundizzjonijiet imsemmijin hawn fuq m'għandhomx jittardjaw it-tnedija tal-programmi, u ma jaqbilx mal-kundizzjonijiet marbutin mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

jemmen li l-verifika tal-addizzjonalità għandha rwol importanti biex jiġi żgurat li dawn il-fondi effettivament jintużaw b'mod li jikkomplementaw il-programmi mħallsa min-nefqa nazzjonali, u b'hekk l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea tingħata valur verament miżjud;

jappoġġja l-proposta li jitfassal Qafas Strateġiku Komuni u jemmen li huwa meħtieġ li l-kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u l-investiment jkunu jistgħu jsiru strument li jiżgura l-komplementarjetà effettiva bejn l-interventi nazzjonali u dawk tal-Unjoni Ewropea; ifakkar fil-bżonn tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-awtoritajiet reġjonali u lokali.

Relatur

Is-Sur Francesco MUSOTTO (IT/AE), Membru tal-Assemblea Reġjonali ta’ Sqallija

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jenfasizza li l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (eks-Artikolu 158 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea) jistabbilixxi li biex tippromovi l-iżvilupp armonjuż tagħha inġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tissokta bl-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha. B'mod partikolari, l-Unjoni għandha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti;

2.

jinnota li tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, liż-żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali, u lir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal pereżempju r-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b'densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, ir-reġjuni insulari, ir-reġjuni transkonfinali u r-reġjuni muntanjużi; barra minn hekk, hemm bżonn ukoll li jiġu appoġġjati r-reġjuni l-oħra tal-Ewropa, sabiex tiġi assigurata u msaħħa l-kompetittività tagħhom;

3.

jenfasizza r-rwol ewlieni taż-żoni u r-reġjuni urbani – kif ukoll il-bliet kapitali u r-reġjuni tagħhom – bħala muturi tat-tkabbir għat-twettiq tal-għanijiet ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali tal-Ewropa 2020. Fil-futur għandhom ikunu jistgħu jiġu adottati wkoll – fil-qafas tal-approċċi integrati b'konsiderazzjoni tal-marġni ta’ flessibbiltà reġjonali adatta – miżuri ta’ stabilizzazzjoni soċjali u ekonomika, kemm fil-bliet kif ukoll fiż-żoni urbani bi problemi partikolari. F'dan ir-rigward, il-prinċipju għandu jkun li d-dimensjoni urbana, fiha nnifisha, tkun kompatibbli mal-Istrateġija Ewropa 2020. Anke fl-Istati Membri għandha titħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn il-bliet u t-territorji ta’ madwarhom, fil-qafas tal-ispazji funzjonali u billi dawn jadottaw id-dispożizzjonijiet neċessarji fir-regolamenti futuri dwar il-Fondi Strutturali;

4.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni dwar Baġit għall-Ewropa 2020 (1) li tiddaħħal kategorija ta’ “reġjuni ta’ tranżizzjoni”. Fl-istess ħin, jinnota li r-reġjuni fejn il-PDG per capita jaqbeż il-75 % tal-medja tal-UE 27 fil-perspettiva finanzjarja attwali għandu jkollhom ukoll l-opportunità li jużaw riżorsi għall-investiment fl-infrastruttura, li tippermetti li dawn ir-reġjuni jikkonsolidaw il-valur miżjud li jkunu ggwadanjaw matul il-perjodu ta’ programmar attwali. Bl-istess mod, il-mira tal-“effiċjenza fl-użu tal-enerġija” għandha tkopri l-modi ta’ trasport effiċjenti, inklużi t-trasport bil-ferrovija u l-infrastruttura relatata;

5.

ifakkar li l-Artikolu 349 tat-TFUE jirrikonoxxi r-realtà speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi u jiġġustifika l-bżonn li jiġu introdotti adattamenti għal-liġi Komunitarja meta din tiġi applikata għal dawn ir-reġjuni, kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi, jekk ikun hemm bżonn, b'mod partikolari fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni;

6.

jaqbel mal-prinċipju mħabbar mill-Kummissjoni Ewropea fil-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (2), li jikkunsidra li anke fil-futur il-koeżjoni ser tibqa' politika ta’ żvilupp li tintervjeni fl-Unjoni Ewropea kollha, u għalhekk, fir-reġjuni tagħha kollha;

7.

għaldaqstant, jemmen li l-politika ta’ koeżjoni, integrata mal-interventi pubbliċi fid-diversi livelli territorjali, għandha tkompli taqdi rwol essenzjali fil-promozzjoni ta’ żvilupp armonjuż fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tgħin l-irkupru tar-reġjuni li jkunu għadhom relattivament lura u tiddedikalhom l-akbar parti tar-riżorsi, u fl-istess ħin tikkontribwixxi biex tirkupra u ttejjeb il-kompetittività fir-reġjuni kollha;

Ir-rwol tal-komplementarjetà tal-interventi nazzjonali u Ewropej fit-tnaqqis tal-iżbilanċi f'termini ta’ tkabbir ekonomiku, soċjali u territorjali

8.

jemmen li huwa biss bis-saħħa tal-integrazzjoni, is-sinerġija u l-komplementarjetà tal-interventi nazzjonali u Ewropej, ibbażati fuq il-valur tas-solidarjetà konkreta, li jistgħu jitneħħew id-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali li għadhom jeżistu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea;

9.

fil-fatt, jaħseb li dawn il-prinċipji jistgħu jkunu deċiżivi minn diversi lati, u b'mod partikolari biex:

iħeġġu lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva tagħhom;

jiġu evitati l-interventi doppji u ineffikaċi fl-istess territorju,

jiġu rikonċiljati l-għanijiet u l-prijoritajiet ta’ kull livell ta’ gvern,

tittejjeb il-kwalità tal-interventi pubbliċi fil-livelli kollha,

tissaħħaħ l-effikaċja tal-politika ta’ koeżjoni;

10.

huwa tal-fehma li l-politika ta’ koeżjoni, integrata mal-interventi pubbliċi fid-diversi livelli territorjali, hija l-aktar strument effikaċi biex tappoġġja b'mod solidali r-reġjuni l-aktar żvantaġġati u, fl-istess waqt, tikkontribwixxi għall-ħolqien tat-tkabbir u prosperità fl-UE kollha. Fil-fatt, jemmen li hi għenet it-tkabbir tal-PDG Ewropew kollu, iffaċilitat il-bini ta’ infrastrutturi ġodda u b'hekk żiedet l-aċċessibbiltà tat-territorji Ewropej u tejbet il-ħarsien tal-ambjent. Bis-saħħa tal-investiment fi strateġiji tal-impjieg sostenibbli u l-konsiderazzjoni tal-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol, inħolqu impjiegi totalment ġodda, filwaqt li fost dawk li kien hemm qabel, xi wħud inbidlu, u oħrajn iktar tradizzjonali sparixxew. Il-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità jfisser li jiġi żgurat is-sodisfazzjon personali tal-ħaddiema, li jiġi żgurat ħlas adegwat għall-ħidma li tkun saret, li tiġi promossa s-saħħa fuq il-post tax-xogħol u li jinħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol iktar kompatibbli mal-ħajja personali. Dan it-titjib fil-kwalità tal-ħajja professjonali jagħmilha possibbli li l-impjieg ikun iżjed attraenti, u dan għandu konsegwenzi pożittivi anke fuq il-livell ekonomiku rilevanti u jista' jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-kompetittività tar-reġjuni tal-Unjoni Ewropea;

11.

jinnota li, minkejja l-progress sinifikanti li sar fit-tnaqqis tad-diverġenzi fl-iżvilupp, il-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti tista' toħroġ aktar fid-dieher l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni Ewropej u fi ħdan l-istess reġjuni; jenfasizza li din is-sitwazzjoni hija ggravata iżjed f'pajjiżi li jirċievu għajnuna bħala parti mill-mekkaniżmi fil-qafas tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u l-bilanċ tal-ħlasijiet (BoP) fejn, effettivament, id-differenzi reġjonali huma konsiderazzjoni sekondarja fl-isforzi biex jinkisbu kundizzjonijiet u rekwiżiti li għandhom enfasi strettament nazzjonali;

12.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ż-żoni żvantaġġati għandhom inqas kapaċità biex jużaw ir-riżorsi tagħhom meta mqabbla ma’ żoni aktar għonja, u dan iżid il-vulnerabbiltà għax-xokkijiet esterni u, f'perjodu ta’ kriżi bħal dan li qed ngħixu fih bħalissa u li ħadd ma jaf kemm se jdum, jikkomprometti l-progress li jkun diġà sar. F'dawn iż-żoni, il-finanzjament tal-UE b'mod komplementari mal-interventi nazzjonali huwa essenzjali biex tiġi garantita ċerta stabbiltà fl-investimenti pubbliċi, u għalhekk, huwa element kruċjali fl-irkupru ekonomiku;

13.

jinnota li l-politika Ewropea ta’ koeżjoni, li hi kkaratterizzata minn viżjoni wiesgħa li tinkludi l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni li jkunu għadhom lura, l-appoġġ għall-gruppi soċjalment vulnerabbli, is-sostenibbiltà soċjali u ambjentali tal-iżvilupp u r-rispett tal-ispeċifiċitajiet territorjali u kulturali, tiddirieġi lejn l-istess direzzjoni wkoll l-interventi nazzjonali li jwasslu għall-istess għanijiet ta’ koeżjoni;

14.

għaldaqstant, jinsisti fuq il-ħtieġa li l-politika Ewropea ta’ koeżjoni l-ġdida jibqa' jkollha r-riżorsi meħtieġa biex tissokta fit-triq lejn bilanċ ekonomiku u soċjali ġenwin ġdid bejn ir-reġjuni tal-Ewropa, billi ssaħħaħ u tikkompleta l-azzjonijiet li jsiru fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Għalhekk, fil-futur għandha tkompli tiġi prevista l-allokazzjoni ta’ parti adegwata mir-riżorsi baġitarji tal-UE għall-finanzjament ta’ attivitajiet rilevanti ta’ appoġġ għat-territorji tal-Unjoni Ewropea li jkunu għadhom relattivament lura;

15.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni l-ġdida għandha tqis il-kooperazzjoni transkonfinali. Fiż-żoni transkonfinali tal-pajjiżi tal-UE għandu jiġi previst appoġġ għall-iżvilupp tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien li jmissu mal-fruntieri esterni tal-UE, b'mod partikolari fl-Istati u r-reġjuni b'differenzi kbar fl-iżvilupp ekonomiku. Barra minn hekk, jagħraf li l-ħolqien ta’ spazji territorjali konġunti fir-reġjuni tal-fruntieri għandu jkollhom appoġġ regolari u selettiv fil-livell tal-UE kemm għal politika tal-ispazju iktar b'saħħitha kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni tal-iżvilupp;

16.

huwa konxju tal-importanza tal-PDG minn ras għal ras fil-livell reġjonali biex jitkejjel it-tkabbir ekonomiku, iżda jittama li b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, ikunu jistgħu jinsabu indikaturi komplementari li jistabbilixxu l-qagħda inizjali ta’ kull reġjun u permezz t'hekk juru b'mod aktar sinifikanti l-progress li jsir fit-tnaqqis tad-diverġenzi li jeżistu bejn ir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea u fi ħdanhom (3), u b'hekk jirriflettu b'aktar preċiżjoni l-livell ta’ żvilupp u l-problemi speċifiċi ta’ koeżjoni soċjali u territorjali ta’ kull reġjun;

17.

barra minn hekk, jenfasizza li l-perjodu ta’ referenza mistenni li jintuża biex jiddetermina l-eliġibilità ta’ reġjun għall-politika ta’ koeżjoni l-ġdida tal-UE mill-2014 'il quddiem (aktarx se jkun il-PDG per capita fil-livell reġjonali għall-perjodu 2007-2009) mhux se jirrifletti l-impatt sħiħ tal-kriżi ekonomika u l-miżuri ta’ awsterità li rriżultaw minnha fuq ir-reġjuni madwar l-UE; jappella biex isir kull sforz sabiex tintuża iżjed data aġġornata dwar il-PDG reġjonali u dwar ix-xejriet tal-PDG meta qed jiġu allokati r-riżorsi kif ukoll mekkaniżmi ta’ reviżjoni iżjed progressivi matul il-perjodu tal-programmazzjoni;

Komplementarjetà li tiddependi mill-kuntest istituzzjonali u amministrattiv

18.

jemmen li hemm bżonn li sew il-politika ta’ koeżjoni u sew il-politiki nazzjonali tal-iżvilupp reġjonali jkunu jistgħu jibbenefikaw minn ambjent istituzzjonali adegwat, amministrazzjoni pubblika effiċjenti u sħubija effikaċi bejn id-diversi livell ta’ governanza, bil-għan li jfasslu strateġiji ta’ żvilupp koerenti u integrati għal perjodu medju u twil ta’ żmien u oqfsa ta’ programmazzjoni multiannwali li fuqhom jissejsu dawn l-istrateġiji;

19.

jemmen li, filwaqt li tirrispetta kull struttura nazzjonali, il-politika Ewropea ta’ koeżjoni, integrata mal-interventi pubbliċi fid-diversi livelli, tista' tħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva meħtieġa biex jiġi garantit użu aktar effiċjenti u effikaċi tar-riżorsi finanzjarji, u b'hekk, jinkiseb l-aħjar impatt possibbli tal-investimenti maħsuba biex inaqqsu d-diverġenzi fit-tkabbir;

20.

jinnota li d-diversi sistemi għall-implimentazzjoni tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni u tal-politiki nazzjonali tal-iżvilupp reġjonali jiddependu mill-ispeċifiċitajiet ta’ kull Stat Membru, u huma kkundizzjonati mill-kuntest istituzzjonali u mit-tqassim tal-kompetenzi, u b'mod aktar speċifiku, mil-livell ta’ deċentralizzazzjoni, minn kemm jiġu applikati l-prinċipji tal-governanza f'diversi livelli, kif ukoll mill-esperjenza reġjonali u lokali b'rabta mal-iżvilupp territorjali u mid-daqs u l-ambitu ġeografiku tal-programmi (4);

21.

iqis li hemm bżonn li, fejn jeżistu strutturi differenti għall-implimentazzjoni tal-interventi nazzjonali u Ewropej, ikun hemm kooperazzjoni akbar bejn il-livelli varji ta’ governanza kkonċernati sabiex jiġu evitati l-interventi doppji u ineffikaċi. Fil-fatt, jemmen li l-aħjar sinerġija possibbli tista' tinkiseb permezz ta’ programmazzjoni integrata ta’ kull intervent ta’ żvilupp li jsir f'territorju, iżda wkoll permezz ta’ ġestjoni kkoordinata ħafna. Għaldaqstant, jaħseb li jkun siewi li jiġu intensifikati d-djalogu u l-kooperazzjoni – li tinħoloq b'riżultat ta’ dan – bejn il-livelli differenti ta’ governanza, sabiex jiżguraw aktar koerenza u komplementarjetà bejn id-diversi interventi nazzjonali u Ewropej;

Lejn żvilupp territorjali aktar integrat

22.

jaħseb li, sabiex ikollhom effett aktar sinifikanti fuq il-koeżjoni u fuq il-kompetittività tat-territorji, l-interventi maħsuba biex inaqqsu l-iżbilanċi ekonomiċi, soċjali u territorjali għandhom ikunu bbażati fuq azzjonijiet integrati, orjentati aktar lejn ir-riżultati u definiti fid-dawl tad-dimensjoni territorjali tal-problemi;

23.

jenfasizza li l-koeżjoni territorjali, għan politiku ġdid affermat mit-Trattat ta’ Lisbona, saret prijorità flimkien mal-koeżjoni ekonomika u soċjali, u li għalhekk, id-dimensjoni territorjali għandha tiġi integrata aħjar fil-politiki kollha li għandhom effett territorjali ċar, anke permezz ta’ valutazzjonijiet sistematiċi tal-impatt territorjali tagħhom. Għal dan il-għan, jemmen li jkun siewi li jiddaħħlu sistemi ta’ monitoraġġ li jkunu jistgħu jittraċċaw b'mod kostanti d-distribuzzjoni tan-nefqa pubblika li tista' tkun relatata mal-għanijiet ta’ koeżjoni fit-territorji tal-UE;

24.

jinnota li l-parteċipazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ kull livell fil-proċess ta’ tal-ippjanar strateġiku u tal-implimentazzjoni tal-interventi maħsuba biex inaqqsu l-iżbilanċi fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tiggarantixxi t-tfassil ta’ miżuri li jisiltu mill-kuntesti territorjali l-ispirazzjoni u l-għarfien meħtieġa sabiex jivvalorizzaw il-potenzjal tat-territorji, jikkonċentraw ir-riżorsi u jżidu kemm jista' jkun l-effikaċja tal-azzjonijiet pubbliċi;

25.

jinnota li sfidi bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-provvista tal-enerġija, il-globalizzazzjoni, ir-relazzjonijiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali, it-tibdil demografiku u l-fenomeni tal-migrazzjoni għandhom impatt differenti ħafna f'żoni differenti, u għalhekk, jeħtieġu soluzzjonijiet ippjanati u implimentati fil-livell reġjonali u lokali b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

26.

għaldaqstant, jaħseb li b'konformità mal-prinċipju tas-sħubija, is-suċċess tal-interventi nazzjonali u Ewropej ma jistax jeskludi l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell lokali u reġjonali skont il-liġi nazzjonali fis-seħħ u l-kapaċità li l-imsieħba ekonomiċi u soċjali jiġu involuti fil-proċess kollu, sew fil-fażi tal-ippjanar, tal-programmazzjoni u tal-implimentazzjoni;

Approċċ li jsaħħaħ l-effikaċja tal-koeżjoni

27.

jagħraf il-ħtieġa li l-iżvilupp tat-territorji Ewropej jiġi promoss f'qafas strett għall-finanzi pubbliċi, li jimponi t-tiftix tal-aqwa effikaċja u effiċjenza, u jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li titpoġġa enfasi akbar fuq ir-riżultati, bil-possibbiltà li jiġu introdotti – bil-flessibbiltà neċessarja – għanijiet ċari u kwantifikabbli u indikaturi tar-riżultati li jistgħu jitkejlu u li jkunu koerenti mal-interventi pprogrammati, sabiex tkun tista' ssir ukoll valutazzjoni matul il-perjodu kollu ta’ programmazzjoni;

28.

mhuwiex kontra l-prinċipju li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ex-ante għall-użu tal-Fondi Strutturali, li jkunu strettament u direttament marbutin mat-titjib tal-effikaċja tal-politika tal-Unjoni Ewropea ta’ koeżjoni u li jkunu jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq il-fattibbiltà u l-kapaċità operattiva tal-programmi u fuq l-integrazzjoni tal-intervanti għall-iżvilupp;

29.

madankollu, jenfasizza li l-kundizzjonijiet imsemmijin hawn fuq m'għandhomx jittardjaw it-tnedija tal-programmi marbutin mal-Fondi Strutturali, u b'hekk inaqqsu bil-kbir anke r-riżultati mistennijin mill-użu tar-riżorsi nazzjonali maħsuba għall-interventi li jikkomplementaw dawk Ewropej;

30.

iżomm id-dritt li jesprimi ruħu b'mod aktar komplut meta l-Kummissjoni Ewropea tkun fasslet il-proposta tagħha dwar is-suġġett;

31.

mill-banda l-oħra, ma jaqbilx ma’ dak li tipproponi l-Kummissjoni Ewropea dwar il-kundizzjonijiet marbutin mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li joħolqu r-riskju li jiġu ppenalizzati l-awtoritajiet reġjonali u lokali għalkemm dawn mhumiex responsabbli għall-fatt li l-Istati Membri ma jirrispettawx l-obbligi tagħhom (5), u li jimblukkaw u jittardjaw il-proċess ta’ żvilupp tagħhom u jikkompromettu r-riżultati li jkunu diġà nkisbu;

32.

jieħu nota tal-fatt li diversi fatturi jistgħu jtellfu l-aħjar użu possibbli tal-fondi Ewropej fiż-żoni u fis-setturi tal-intervent li jkunu aktar favorevoli għat-tkabbir, u b'hekk inaqqsu l-effett potenzjali tagħhom f'territorju (6). F'dan il-kuntest, il-verifika tal-addizzjonalità għandha rwol importanti biex jiġi żgurat li dawn il-fondi effettivament jintużaw b'mod li jikkomplementaw il-programmi mħallsa min-nefqa nazzjonali, u b'hekk l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea tingħata valur verament miżjud;

33.

għaldaqstant, jenfasizza li huwa utli li jiġi ssorveljat b'mod aktar effikaċi r-rwol addizzjonali tal-Fondi Strutturali, u jiġi garantit li l-interventi Ewropej iwettqu azzjonijiet addizzjonali u komplementari li normalment ma jiġux ikkunsidrati jew inkella ma jiġux ikkunsidrati biżżejjed mill-ordinamenti nazzjonali;

34.

jemmen li l-effikaċja u l-effiċjenza tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni jiddependu wkoll mis-semplifikazzjoni tal-proċeduri bil-għan li jitnaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż regolatorji u amministrattivi tal-benefiċjarji. Fil-fatt, proċeduri eħfef huma kundizzjoni importanti għall-użu effiċjenti tar-riżorsi. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda li l-Istati Membri, bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jeżaminaw u jressqu proposti maħsubin biex itejbu l-allinjament tar-regoli tal-UE, fir-rigward tal-prinċipji, l-iskadenzi u l-proċeduri, ma’ dawk nazzjonali, filwaqt li tingħata prijorità lir-riżultati u l-effetti miksubin, u jiġi evitat, fl-istess waqt, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet mhux ugwali għall-użu tar-riżorsi min-naħa tal-Istati Membri differenti;

Għal integrazzjoni u komplementarjetà akbar tal-interventi wara l-2013

35.

jagħraf l-importanza tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u jilqa' bi pjaċir il-kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea intitolata “Politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa 2020” (7), li tgħid li s-suċċess fil-kisba tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 se jiddependi fil-biċċa l-kbira minn deċiżjonijiet meħuda fil-livell lokali u reġjonali;

36.

jemmen li l-politika ta’ koeżjoni tista' tagħti kontribut importanti għall-Istrateġija Ewropa 2020, iżda m'għandhiex tiġi assorbita fiha, u jinsisti fuq ir-rwol ta’ appoġġ li taqdi biex l-Unjoni Ewropea tiżviluppa b'mod armonjuż billi jitnaqqsu l-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali bejn it-territorji Ewropej, kif inhu stabbilit fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Għalhekk, fil-futur iż-żewġ proċessi ta’ implimentazzjoni għandhom jibqgħu indipendenti, u kull wieħed minnhom ikollu għanijiet speċifiċi li ma jkoprux lil xulxin għalkollox, iżda fl-istess waqt jinteraġixxu flimkien f'qafas ta’ integrazzjoni u komplementarjetà;

37.

jappoġġja l-proposta ppreżentata fil-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali li jitfassal Qafas Strateġiku Komuni li jkopri l-Fondi Strutturali u l-fondi Ewropej l-oħra tal-iżvilupp territorjali, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), iżda kull wieħed minnhom ikollu r-riżorsi u r-regoli speċifiċi tiegħu. Fil-fatt, jaħseb li hu pożittiv li l-fondi Ewropej għall-politiki strutturali jkunu integrati fl-ambitu ta’ qafas strateġiku ta’ żvilupp wieħed, li għandu jippermetti l-koordinazzjoni aħjar tagħhom;

38.

jemmen li hemm bżonn li, fil-kuntest tad-diskussjoni li għaddejja bħalissa fuq ir-regolamenti futuri tal-Fondi Strutturali, il-kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u l-investimenti, fuq il-bażi tal-Qafas Strateġiku Komuni, ikunu jistgħu jsiru strument li jiżgura l-komplementarjetà effettiva bejn l-interventi nazzjonali u dawk tal-Unjoni Ewropea bl-istess għanijiet tat-tnaqqis tal-iżbilanċi ekonomiċi, soċjali u territorjali, billi jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tal-investiment, l-allokazzjoni tar-riżorsi nazzjonali u Ewropej, il-kundizzjonijiet miftiehma u l-għanijiet li jridu jintlaħqu;

39.

madankollu, itenni li, b'konformità mal-prinċipji tal-governanza f'diversi livelli, dawn il-kuntratti għandhom ikunu mħejjijin u żviluppati bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, jiġifieri flimkien mal-istituzzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-interventi fuq il-post, u mhux sempliċement bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li jiġu sinkronizzati u kkoordinati b'mod aktar effikaċi d-diversi aġendi politiċi u tissaħħaħ il-governanza strateġika u mhux biss operattiva;

40.

jemmen li l-kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u l-investimenti, li jirriflettu ċ-ċirkustanzi konkreti fl-Istati Membri individwali, jistgħu jwettqu b'mod ġust il-patti territorjali li l-Kumitat tar-Reġjuni jippromovi fil-kuntest tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma;

41.

jisħaq li dan it-tip ta’ koordinazzjoni bejn il-politiki nazzjonali tal-iżvilupp reġjonali u l-politika Ewropea ta’ koeżjoni jirrifletti b'mod konkret il-prinċipju tal-konċentrazzjoni tal-interventi, u jwassal għall-aħjar sinerġiji possibbli tad-diversi strumenti li joperaw fl-istess territorju filwaqt li jqis l-interdipendenzi li jeżistu. B'hekk tista' tiġi garantita mhux biss koordinazzjoni akbar bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni tal-FEŻR, tal-FSE, tal-Fond ta’ Koeżjoni, tal-FAEŻR u tal-FES, iżda wkoll koordinazzjoni mal-interventi nazzjonali bl-istess għanijiet ta’ żvilupp;

42.

barra minn hekk, jemmen li huwa strateġikament importanti li l-politiki nazzjonali tal-iżvilupp reġjonali u l-politika Ewropea ta’ koeżjoni ma jitqisux b'mod iżolat mill-politiki settorjali, u jaħseb li huwa indispensabbli li jinsabu koerenza, konnessjoni u sinerġija akbar bejn l-interventi. Fil-fatt, f'ħafna setturi hemm tendenza li l-politiki pubbliċi jkollhom effetti interdipendenti u jistgħu jkollhom impatt komplessiv akbar jekk jiġu implimentati b'mod ikkoordinat sew (8);

43.

jisħaq li b'hekk jiġi ffaċilitat l-allinjament konkret tal-programmi b'għanijiet definiti, filwaqt li ssir enfasi fuq l-istrumenti politiċi funzjonali u r-riżorsi finanzjarji li jeżistu biex jintlaħqu dawn il-miri, jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għar-reġjuni ta’ appoġġ, l-investiment u d-disponibbiltà tar-riżorsi tal-Unjoni Ewropea definiti skont analiżi tar-riżorsi tar-reġjuni individwali. Dan l-approċċ jista' jwassal biex jiġu sfruttati bl-aħjar mod kemm il-potenzjal ta’ kull territorju kif ukoll l-għarfien li jkollu dwar il-prijoritajiet tiegħu.

Brussell, 11 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  COM(2011) 500 finali Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Baġit għall-Ewropa 2020.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni – COM(2010) 642 finali.

(3)  Konklużjonijiet tas-seminar ogranizzat mir-Reġjun tal-Umbria u mill-Kummissjoni għall-Politika ta’ Koeżjoni Territorjali (COTER) tal-Kumitat tar-Reġjuni f'Perugia (l-Italja) nhar id-29 ta’ April 2011 dwar “Indikaturi ġodda: jitkejjel il-progress fil-Politika ta’ Koeżjoni”.

(4)  Studju mwettaq minn Rona Michie u John Bachtler, Managing Structural Funds – Institutionalising Good practice (Il-Ġestjoni tal-Fondi Strutturali – L-istituzzjonalizzazzjoni tal-prattika tajba), European Policies Research Centre – University of Strathclyde – 1996.

(5)  Ara l-opinjoni tal-KtR dwar il-Ħames rapport dwar il-koeżjoni – CdR 369/2010 fin (relatur: Michel Delebarre, FR/PSE).

(6)  Studju mwettaq minn Chiara del Bo, Massimo Florio, Emanuela Sirtori u Silvia Vignetti, Additionality and regional development: are EU structural funds complements or substitutes of National public finance? (L-Addizzjonalità u l-Iżvilupp Reġjonali: il-Fondi Strutturali tal-UE jikkomplementaw jew jissostitwixxu l-finanzi pubbliċi nazzjonali?), CISL – Centre of Industrial Studies, imħejji fl-2009 fuq it-talba tal-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali.

(7)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: Politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa 2020 – COM(2011) 17 finali.

(8)  Studju mwettaq minn Laura Polverari u Rona Michie, “Complementarity or conflict? The (in)coherence of Cohesion Policy” (Komplementarjetà jew kunflitt? L-(in)koerenza tal-politika ta’ koeżjoni), European Policies Research Centre – University of Strathclyde – 2011.


11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/29


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni: il-kompetittività u s-sostenibilità fix-xena prinċipali”

2012/C 9/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li s-suċċess ta’ politika industrijali Ewropea ġdida jiddependi minn politiki effikaċi f’oqsma bħall-governanza u l-kundizzjonijiet ekonomiċi, il-kompetittività, l-investimenti u l-istruttura tas-settur finanzjarju, l-innovazzjoni u r-riċerka, l-enerġija u r-riżorsi, l-aġenda diġitali, il-kwalifiki u impjiegi ġodda, eċċ;

jenfasizza li t-trasformazzjoni tal-industrija Ewropea għandha tagħti aktar flessibbiltà lin-negozji fl-istrateġiji tagħhom għar-reklutaġġ ħalli jkunu jistgħu joffru ħarsien adegwat li jipprovdi s-sigurtà tad-dħul finanzjarju għall-ħaddiema fis-setturi li jistgħu jintlaqtu, u għandha toffri għażliet ta’ impjieg ġdid, kwalifiki ġodda u appoġġ għall-impjieg indipendenti. It-tagħlim tul il-ħajja waqt li wieħed ikollu impjieg huwa kruċjali biex jiġi żgurat livell għoli ta’ impjegabbiltà tal-ħaddiema u jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li wieħed idum qiegħed, u jipprovdi wkoll lin-negozji ġabra ġdida ta’ ħiliet biex jadattaw ruħhom malajr għall-bidliet fis-suq. Il-gvernijiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-koordinazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jintuża aktar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għal dawn il-kwistjonijiet;

jitlob li l-gvernijiet lokali u reġjonali tal-UE jkollhom rwol akbar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll fil-ksib tal-għanijiet li jinsabu fil-Komunikazzjoni. Ifakkar fir-rwol ewlieni tal-gvernijiet lokali u reġjonali tal-UE biex jixprunaw il-politika industrijali u biex jiżviluppaw l-ekonomija, bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħhom qrib iċ-ċittadini u l-għarfien dirett tagħhom dwar l-istruttura industrijali u l-problemi li jaffettwaw l-intrapriżi;

jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet lokali u reġjonali biex jistabbilixxu patti territorjali fil-livell nazzjonali għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni fi sħubija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR), kif ukoll biex jevalwaw b’mod konġunt il-progress tagħhom bil-għan li jikkoordinaw u jiffokaw l-isforzi u l-aġendi politiċi tagħhom fuq l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Mingħajr dubju ta’ xejn, dan jikkontribwixxi b’mod deċiżiv biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Relatur

Is-Sur Patxi LÓPEZ (ES/PSE), President tal-Gvern Bask

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni: Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali

COM(2010) 614 finali.

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn li l-Kummissjoni Ewropea ħadet fil-Komunikazzjoni bit-titolu “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni: Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali” (1), li hija waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri li tinbena industrija Ewropea b’saħħitha, kompetittiva u orjentata lejn it-tkabbir sostenibbli biex jinkiseb l-irkupru ekonomiku;

2.

jenfasizza li s-suċċess ta’ politika industrijali Ewropea ġdida jiddependi minn politiki effikaċi f’oqsma bħall-governanza u l-kundizzjonijiet ekonomiċi, il-kompetittività, l-investimenti u l-istruttura tas-settur finanzjarju, l-innovazzjoni u r-riċerka, l-enerġija u r-riżorsi, l-aġenda diġitali, il-kwalifiki u impjiegi ġodda, eċċ.;

3.

għaldaqstant, jitlob li l-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 ikunu aktar integrati u koordinati;

4.

jiddispjaċih li dawn is-seba’ inizjattivi ewlenin ġew proposti mingħajr ma tqisu l-impatt baġitarju tagħhom u l-ħtiġijiet għall-implimentazzjoni tagħhom;

5.

jinnota kemm hu importanti li wieħed jibbenefika mill-valur miżjud tal-azzjoni Ewropea biex jiġu ffaċċjati l-isfidi globali u jiġu indirizzati l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 b’mod li jitlaqqgħu flimkien l-isforzi u s-sinerġiji f’approċċ koordinat tal-politiki;

6.

jinnota li l-bidliet strutturali li qed isiru fid-dinja wrewna li jeżistu problemi u sfidi ta’ natura globali, li qed jespandu b’mod mgħaġġel, u li jaffettwaw lill-Istati Membri kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, f’kuntest aktar miftuħ u interdipendenti. Dan jindika l-ħtieġa li jitnedew strumenti ta’ prospettiva strateġika u teknoloġika biex jiġu żviluppati risposti rapidi u koordinati;

7.

ifakkar li l-parametri l-ġodda tal-kompetittività xeħtu d-dubju fuq ir-rwol tal-ekonomija tal-UE fid-dinja, u li għandu jingħata inkoraġġiment qawwi lill-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex l-ekonomija fl-UE tirkupra l-pożizzjoni tagħha. F’dan il-proċess l-industrija għandha taqdi rwol prinċipali bħala xprun tat-tkabbir;

8.

huwa favur il-kunċett ta’ sostenibbiltà integrali li tinkludi b’mod bilanċjat il-varjabbli ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-protezzjoni u r-riġenerazzjoni ambjentali, l-enerġija, il-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi kif ukoll il-ħtiġijiet soċjali relatati mat-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-kura tal-persuni dipendenti għandhom potenzjal importanti li jkunu dinamiċi mil-lat ekonomiku. Il-promozzjoni ta’ industrija kompetittiva f’livell globali għandha tkun kompatibbli mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali li jirrispetta l-ambjent;

9.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tpoġġi enfasi akbar fuq il-livelli differenti ta’ żvilupp u fuq il-korrezzjoni tal-iżbilanċi li għadhom jippersistu fi ħdan l-UE. F’dan ir-rigward, il-politika industrijali hija wieħed mill-istrumenti li għandhom jintużaw. Il-pożizzjonijiet relattivi tal-Istati Membri kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-ħames għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 ivarjaw b’mod konsiderevoli, u l-impatt tal-kriżi qed jaffettwahom b’intensità differenti;

10.

jenfasizza li t-trasformazzjoni tal-industrija Ewropea għandha tagħti aktar flessibbiltà lin-negozji fl-istrateġiji tagħhom għar-reklutaġġ ħalli jkunu jistgħu joffru ħarsien adegwat li jipprovdi s-sigurtà tad-dħul finanzjarju għall-ħaddiema fis-setturi li jistgħu jintlaqtu, u għandha toffri għażliet ta’ impjieg ġdid, kwalifiki ġodda u appoġġ għall-impjieg indipendenti. It-tagħlim tul il-ħajja waqt li wieħed ikollu impjieg huwa kruċjali biex jiġi żgurat livell għoli ta’ impjegabbiltà tal-ħaddiema u jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li wieħed idum qiegħed, u jipprovdi wkoll lin-negozji ġabra ġdida ta’ ħiliet biex jadattaw ruħhom malajr għall-bidliet fis-suq. Il-gvernijiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu fil-koordinazzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jintuża aktar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għal dawn il-kwistjonijiet;

11.

jitlob li l-gvernijiet lokali u reġjonali tal-UE jkollhom rwol akbar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll fil-ksib tal-għanijiet li jinsabu fil-Komunikazzjoni. Jeżistu gvernijiet lokali u reġjonali b’kompetenzi kbar li wrew li għandhom l-esperjenza fil-qasam tal-iżvilupp ekonomiku u industrijali kif ukoll f’politiki oħra relatati direttament mal-kompetittività. Bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħhom qrib dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u qrib il-protagonisti tal-attività ekonomika, huma aktar effiċjenti fil-ġestjoni tal-politiki pubbliċi;

12.

jappoġġja, f’dan il-kuntest, il-konklużjoni ta’ patti territorjali bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri bil-għan li jadottaw impenji biex jilħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-allinjament tal-għanijiet, tal-istrateġiji komuni u tal-finanzjament fil-qasam tal-politika industrijali ser jagħti kontribut pożittiv biex jinkiseb aktar tkabbir ekomomiku;

13.

jirrikonoxxi r-rwol li jaqdu l-partijiet interessati li jippromovu l-ekonomija tal-prossimità (2) marbutin mar-reġjuni u l-bliet bħala fatturi dinamiċi għall-industrija. L-azzjoni tagħhom hija fundamentali sabiex l-intrapriżi, l-atturi soċjali u ċ-ċittadini jiġu involuti aktar fil-politika industrijali tal-UE;

14.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal programm speċifiku għal kull waħda mill-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni bil-għan li tiġi ffaċilitata s-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-politika industrijali l-ġdida;

15.

jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea, bil-kollaborazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, twettaq proċedura ta’ segwitu u evalwazzjoni kull tant żmien dwar il-progress miksub fl-implimentazzjoni tal-politika industrijali sabiex jinħolqu s-sinerġiji u jinqasmu r-riżorsi għall-istess għan. F’dan il-kuntest jappella li jiġu żviluppati miżuri kwalitattivi u kwantitattivi għall-evoluzzjoni tal-politika industrijali bl-inklużjoni ta’ aspetti bħall-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività, l-iżvilupp sostenibbli jew il-progress tal-innovazzjoni;

L-industrija Ewropea fil-kuntest tal-isfidi l-ġodda tal-kompetizzjoni. Xena ekonomika ġdida li tinvolvi bidliet ta’ natura strutturali

16.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rwol prinċipali li l-inizjattiva tagħti lill-industrija fil-mudell il-ġdid tat-tkabbir Ewropew bħala settur deċiżiv għall-ekonomija tagħna u fid-dawl tal-impatt kbir li għandha fuq l-attivitajiet ekonomiċi l-oħra;

17.

jirrikonoxxi li l-kunċett stess ta’ “industrija” evolva u wasal f’fażi ekonomika fejn il-kunċett ta’ “industrija mxerrda” jew “industrija ġdida” kiseb rwol akbar, u l-iżvilupp tagħha qed jesiġi servizzi ta’ valur miżjud għoli;

18.

jinnota li l-politika industrijali għandha tmur lil hinn mill-approċċ settorjali u ssir politika tal-kompetittività li tinkludi approċċ usa’ ta’ appoġġ attiv għall-intrapriżi, hekk kif qed jirrikjedi l-kuntest ġdid tal-bidla industrijali;

19.

jenfasizza li l-UE għandha tinvesti f’dawk l-oqsma bl-akbar potenzjal soċjoekonomiku, u jitlob li ssir enfasi akbar fuq l-iżvilupp intelliġenti ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien fl-UE, kif ukoll fuq l-investiment strateġiku fir-riċerka u l-iżvilupp, it-taħriġ iffokat fuq ix-xjenza u t-teknoloġija jew l-innovazzjoni mhux teknoloġika, fost affarijiet oħrajn;

20.

josserva li l-industrija tal-UE tiddependi ħafna mill-materja prima u mir-riżorsi tal-enerġija, li qed isiru dejjem aktar għaljin u skarsi u li jiddependu mill-qagħda politika internazzjonali;

21.

itenni li wieħed mill-għanijiet prinċipali għandu jkun id-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku minn maż-żieda fl-użu tar-riżorsi;

22.

jemmen, għaldaqstant, li l-iżvilupp ta’ proċess għall-ġestjoni aktar effiċjenti ta’ dawn ir-riżorsi, is-sostituzzjoni tal-materja prima, kif ukoll il-progress fil-konsolidazzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli, għandhom jitfasslu bħala prijoritajiet strateġiċi tal-politika industrijali tal-UE;

23.

ifakkar li d-demografija ser tibqa’ assoċjata ma’ mudelli ġodda tal-konsum. It-tixjiħ tal-popolazzjoni fil-pajjiżi żviluppati ser ikollu bżonnijiet ġodda fil-qasam tas-servizzi soċjali, iżda ser ikun ukoll sors ta’ opportunitajiet għall-industrija u s-servizzi. L-espansjoni tal-klassi medja fil-pajjiżi emerġenti tista’ tkun sors ieħor ta’ opportunitajiet għall-iżvilupp u l-innovazzjoni;

24.

jagħraf ir-rwol tal-pajjiżi emerġenti fil-mappa ġeoekonomika l-ġdida li qed titfassal bħalissa. Il-pajjiżi emerġenti qed jiksbu rwol ġdid bħala swieq attraenti bi tkabbir qawwi, iżda wkoll bħala atturi tal-flussi l-ġodda ta’ investiment dirett u ż-żieda fid-domanda għat-teknoloġija u għar-riċerka u l-iżvilupp;

25.

għalhekk, jaqbel li hemm bżonn urġenti li jsiru riformi strutturali minħabba l-bidliet radikali li jaffettwaw il-kuntest intraprenditorjali u li jissoponu l-adozzjoni ta’ mudell ġdid tal-kompetizzjoni fil-livell dinji li fih, flimkien mal-ħruġ ta’ pajjiżi emerġenti ġodda, jiksbu importanza deċiżiva wkoll it-teknoloġija u l-kompetenzi assoċjati mal-ICTs (teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni) kif ukoll it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju;

26.

jappella biex jitneħħew l-ostakli li jillimitaw it-tkabbir intraprenditorjali u jirrakkomanda li jinsabu soluzzjonijiet u formoli ta’ kollaborazzjoni u ta’ assoċjazzjoni bejn l-intrapriżi. L-isfidi assoċjati mal-internazzjonalizzazzjoni, l-innovazzjoni jew is-sostenibbiltà ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod iżolat jew skonness;

27.

jenfasizza li għandhom jinħolqu l-opportunitajiet sabiex l-intrapriżi jiksbu dimensjoni effiċjenti f’oqsma speċjalizzati speċifiċi. B’hekk ikun possibbli li l-UE jkollha SMEs multinazzjonali f’oqsma speċjalizzati. Fil-fatt, l-ispeċjalizzazzjoni hija wieħed mill-aspetti strateġiċi u determinanti għall-kompetittività tal-intrapriżi, li ser jeħtiġilhom jiżviluppaw prodotti u servizzi aktar sofistikati u b’enfasi fuq segmenti tas-suq aktar speċifiċi b’valur miżjud akbar;

28.

jisħaq fuq il-bżonn urġenti li jitħarrġu l-persuni u jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, kif ukoll li jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli u attraenti biex in-nies jaħdmu fl-industrija tal-għarfien. Dan għaliex bħalissa jeżistu l-problemi biex jinsabu n-nies għal impjiegi f’oqsma strateġiċi għall-futur, bħar-riċerka u x-xjenza, l-inġinerija, is-saħħa jew il-matematika. Bl-istess mod, il-kompetenzi, il-ħiliet u l-għarfien tal-ħaddiema għandhom jiġu aġġornati b’mod permanenti u jkunu ffokati fuq id-domandi tat-teknoloġiji u s-setturi l-ġodda, għaliex dan hu ta’ benefiċċju għall-industrija kif ukoll għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom, sabiex jadattaw ruħhom mill-ġdid malajr għal setturi u teknoloġiji ġodda;

29.

barra minn hekk, jinnota li hu importanti li jsir progress fil-versatilità u l-multidixxiplinarjetà, flimkien ma’ approċċ iffokat fuq il-kompetenzi personali bħax-xogħol f’tim jew il-predispożizzjoni għall-bidla, sabiex ikun hemm adattament akbar għall-ħtiġijiet tas-settur industrijali;

30.

jemmen li hemm bżonn li l-industriji tagħna jiżviluppaw “rifless tal-globalizzazzjoni”, u jadattaw ruħhom għall-kuntest ġdid ta’ kompetizzjoni, li diġà hu internazzjonali u li, min-natura tiegħu stess, qiegħed jinbidel. Il-globalizzazzjoni żiedet il-kompetizzjoni hekk kif is-swieq infetħu għal kompetituri ġodda, li jibbenefikaw minn possibbiltajiet ġodda biex jiċċaqilqu u jiksbu l-informazzjoni;

31.

jinnota li l-internazzjonalizzazzjoni hija sfida komuni tas-soċjetà kollha u mhux tal-intrapriżi biss. Sabiex l-intrapriżi Ewropej jiffokaw b’mod deċiżiv fuq l-internazzjonalizzazzjoni u jkunu kompetittivi fil-livell internazzjonali, jeħtieġ ukoll li l-persuni, l-universitajiet, iċ-ċentri tat-taħriġ jew is-sistemi xjentifiċi u teknoloġiċi jinkludu l-kultura u d-dimensjoni internazzjonali fl-istrateġija tagħhom;

32.

jenfasizza li l-katina tal-valur ġiet frammentata, u b’hekk ġew enfasizzati l-vantaġġi speċifiċi tal-lokalizzazzjoni li għandu kull territorju fir-rigward tal-kompiti differenti involuti fil-manifattura jew il-forniment ta’ prodott jew servizz partikolari;

33.

huwa favur li jittejbu l-aċċess u d-disponibbiltà tal-kreditu, jappoġġja l-użu tal-Forum dwar il-Finanzi tal-SMEs, u jenfasizza wkoll l-importanza tal-funzjoni li jaqdu l-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji bħala intermedjarji li jaġixxu b’mod responsabbli u trasparenti u li jiggarantixxu rabta aħjar bejn l-ekonomija finanzjarja u l-ekonomija reali;

34.

iħeġġeġ ukoll li jittejjeb il-funzjonament tas-swieq finanzjarji permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri effikaċi u billi tissokta l-ħidma mibdija fl-UE biex dawn is-swieq jiġu regolati b’mod adegwat. B’hekk ikunu jistgħu jiġu miġġielda l-ispekulazzjoni u l-vulnerabbiltà tas-sistemi bankarji, bil-għan li jitneħħew ir-riskji sistematiċi, filwaqt li jkun hemm bilanċ u stabbiltà akbar u tissaħħaħ il-fiduċja tan-nies f’kuntest ta’ negozji b’saħħithom;

35.

huwa favur kollaborazzjoni akbar bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE sabiex jittejjeb l-appoġġ għall-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u fl-innovazzjoni fil-livell lokali u reġjonali;

It-triq lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Politika industrijali ambizzjuża ġdida għat-tmexxija tal-ekonomija tal-ġejjieni.

36.

jipproponi li jiġi definit u mniedi pjan tal-kompetittività fil-livell tal-UE li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet qafas tal-UE fil-qasam tal-politika industrijali;

37.

itenni li l-kompetittività mhix biss sfida tad-dinja intraprenditorjali, iżda wkoll tas-soċjetà kollha u ta’ kull sistema involuta fl-iżvilupp ekonomiku. Il-kompetittività taffettwa lill-persuni, l-universitajiet, iċ-ċentri teknoloġiċi, is-servizzi tas-saħħa, eċċ., kif ukoll is-setturi u l-attivitajiet kollha tal-produzzjoni;

38.

għaldaqstant, huwa favur l-iżvilupp ta’ approċċ sistematiku tal-politika industrijali, li jinkludi l-politiki differenti li jikkontribwixxu għall-kompetittività. Dan l-approċċ għandu jiġi ttrasferit ukoll għal-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Sabiex l-industrija Ewropea ttejjeb l-effiċjenza u l-produttività tagħha, jeħtieġ li titjieb ukoll il-pożizzjoni tal-UE f’aspetti bħat-trasport, il-ħarsien soċjali u tal-konsumatur, l-intermedjazzjoni finanzjarja, l-enerġija, l-ambjent kif ukoll is-suq uniku u l-politiki kummerċjali, u li dawn kollha jiġu koordinati bħal ħoloq f’“katina tal-kompetittività”;

39.

għalhekk, jemmen li l-politika industrijali l-ġdida għandha tippromovi approċċ transsettorjali. Matul l-aħħar snin żdid l-użu tal-formoli kollha li jħeġġu l-kooperazzjoni intraprenditorjali permezz ta’ proġetti clusters jew interclusters, li wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħhom hu li jirraggruppaw u jgħaqqdu l-funzjonijiet kollha tal-katina tal-valur fl-istess tip ta’ inizjattivi li jkunu maħsuba bħala qafas effikaċi fil-katina kollha tal-valur li ma jintervjenix fid-deċiżjonijiet intraprenditorjali. Barra minn hekk, fid-dawl tar-rabta diretta tal-clusters mat-territorju tagħhom, huwa importanti li fid-definizzjoni tal-politika industrijali l-ġdida titqies id-dimensjoni reġjonali prominenti tagħhom;

40.

itenni li l-irkupru tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi jiddependi b’mod sostanzjali mit-titjib tal-produttività kemm fis-settur tal-manifattura kif ukoll, b’mod speċjali, f’dak tas-servizzi assoċjati mal-intrapriżi;

41.

jenfasizza r-rwol importanti tal-SMEs fl-UE, li huma responsabbli għal żewġ terzi tal-impjiegi industrijali. Huwa għal din ir-raġuni li l-politiki pubbliċi fl-UE għandhom jiġu indirizzati mill-perspettiva tal-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” (think small first), sabiex jitwieġbu b’mod speċifiku l-ħtiġijiet tal-SMEs bħala atturi ekonomiċi fundamentali għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku. Aħna nistgħu nkunu kompetittivi biss jekk l-SMEs tagħna jkunu kompetittivi;

42.

jappella, għalhekk, li jkun hemm komunikazzjoni aktar integrata dwar ir-rwol prinċipali tal-atturi tal-promozzjoni ekonomika marbutin mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jipprovdu “b’mod kapillari” servizzi ta’ appoġġ fundamentali sabiex l-SMEs ikunu jistgħu jikkompetu;

43.

jirrakkomanda li jintużaw il-mezzi neċessarji li jiggarantixxu l-applikazzjoni effikaċi tas-Small Business Act, u jenfasizza li l-aħħar reviżjoni tiegħu tinsisti li tingħata prijorità lill-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs u lil-leġislazzjoni intelliġenti;

44.

jaqbel li hemm bżonn jinħolqu l-kundizzjonijiet biex l-intrapriżi jkollhom aċċess għall-aħjar servizzi possibbli. Dan jiddetermina b’mod konsiderevoli l-kwalità tal-prodotti u s-servizzi tagħhom, u għalhekk il-kompetittività tagħhom. Għandha tingħata preferenza lill-miżuri li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u għall-kompetizzjoni fost dawk li jipprovdu s-servizzi lill-intrapriżi;

45.

jappoġġja l-użu ta’ miżuri li jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-innovazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-ġestjoni fl-intrapriżi, speċjalment fl-SMEs, billi jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u leġislattivi li jaffettwaw il-kompetittività tal-intrapriżi, u billi jikkontribwixxu, pereżempju, biex il-kontrolli tal-kwalità (fitness checks) jiġu estiżi għall-qasam tal-politika industrijali, kif ukoll billi jestendu u jiġġeneralizzaw l-applikazzjoni tagħhom f’oqsma oħra relatati ma’ din il-politika;

46.

jenfasizza kemm huwa importanti li l-politika industrijali Ewropea, fid-dawl tal-impatt u d-dimensjoni territorjali li għandha, tadatta l-għanijiet tagħha għall-kundizzjonijiet differenti tal-bidu, għaliex dan huwa fundamentali għall-iżvilupp bilanċjat u koeżiv. Jisħaq li għandu jkun hemm koerenza bejn il-Komunikazzjoni diskussa f’din l-opinjoni u l-linji gwida li jinsabu fil-Komunikazzjoni bit-titolu “Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020” (3) u f’dik intitolata “Politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa 2020” (4);

47.

jaqbel li hemm bżonn isir progress fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti biex tiġi promossa l-kompetittività tan-nisġa industrijali, u huwa favur li l-gvernijiet reġjonali u lokali jinkoraġġixxu l-oqsma speċjalizzati tagħhom tal-innovazzjoni. L-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti hija l-ħolqa li tgħaqqad il-Komunikazzjoni dwar il-politika industrijali mal-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni”;

48.

jemmen li hemm bżonn titħeġġeġ l-integrazzjoni tal-istrumenti li jippromovu l-clusters fl-UE filwaqt li jiġi żviluppat approċċ uniku ffokat fuq it-tkabbir u l-kompetittività li, lil hinn mill-iskambju tal-esperjenzi, jinkoraġġixxi proġetti konkreti ta’ natura konġunta u kollaborattiva. F’dan il-każ, l-UE tkun fattur ewlieni biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transnazzjonali li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ clusters f’livell dinji;

49.

jinnota l-ħtieġa li jibqgħu jiġu żviluppati proġetti strateġiċi fil-livell tal-UE b’rabta ma’ aspetti konkreti u b’effett ta’ lieva sostanzjali f’termini ta’ trasferiment ta’ teknoloġija u ħolqien ta’ sinerġiji, bħall-iżvilupp industrijali tal-“Vetturi Ekoloġiċi”, il-“Bini Effiċjenti fl-Użu tal-Enerġija” u l-“Fabbriki tal-Futur”. Hemm bżonn li l-inizjattivi ta’ dan it-tip, li juru l-valur miżjud tal-UE, jiġu estiżi u approfonditi b’viżjoni fit-tul;

50.

jaħseb li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw ukoll effett ta’ lieva importanti fuq il-kompetittività tal-intraprapriżi permezz tal-akkwisti pubbliċi innovattivi. B’dan il-mod, il-kriterji tas-sejħiet għall-offerti pubbliċi jinċentivaw l-innovazzjoni tal-intrapriżi kontraenti billi jagħtu prijorità lill-prodotti jew servizzi innovattivi u sostenibbli. Dan itejjeb il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi pubbliċi. Madankollu għandu jiġi evitat il-piż amministrattiv addizzjonali, għax jekk le, ma jibqax attraenti għall-intrapiżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li jipparteċipaw fl-akkwisti pubbliċi;

51.

jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti biex jagħmlu progress fil-promozzjoni tal-kultura intraprenditorjali fis-soċjetà Ewropea, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Is-sistemi edukattivi għandhom jiżviluppaw programmi ta’ taħriġ li jinkludu l-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali, it-teħid tar-riskji, ir-rwol ta’ mexxejja u l-kreattività fost il-kompetenzi ewlenin tan-nies;

52.

jinnota li l-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ profili relatati mal-globalizzazzjoni hija importanti immens. Hawnhekk jaqdu rwol kruċjali l-għarfien tal-lingwi, ir-rieda tal-mobilità professjonali internazzjonali, u l-iżvilupp ta’ mentalità miftuħa għar-relazzjonijiet ma’ persuni ta’ kulturi differenti;

53.

jipproponi li l-istrateġiji tat-teknoloġija u tal-internazzjonalizzazzjoni jiġu integrati aktar fil-Komunikazzjoni. L-innovazzjoni, it-teknoloġija u l-internazzjonalizzazzjoni huma tliet kunċetti li jikkontribwixxu wieħed għall-ieħor u bejniethom teżisti relazzjoni reċiproka; għalhekk għandu jsir sforz biex jiġu definiti politiċi konġunti f’dan il-qasam;

54.

jitlob li t-tħejjija li jmiss tal-istrateġija ta’ appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs tkun ambizzjuża u konkreta biżżejjed. Din l-istrateġija għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi u lill-iżvilupp tal-interrelazzjonijiet, kif ukoll lill-ħolqien ta’ rabtiet intersettorjali;

55.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tapplika b’mod effettiv il-miżuri inklużi fil-Komunikazzjoni bit-titolu “Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija. Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrateġija tal-UE 2020” (5), speċjalment fir-rigward tal-aġenda ta’ negozjati fl-istituzzjonijiet internazzjonali kif ukoll fl-approfondiment tal-kollaborazzjonijiet strateġiċi. F’dan il-każ, l-azzjoni fil-livell tal-UE hija fundamentali sabiex tiżdied l-influwenza tal-industrija Ewropea fid-dinja;

56.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-importanza strateġika li għandha l-politika tal-kompetizzjoni għall-kompetittività tal-industrija tal-UE u għall-kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet fis-suq intern. Kuntest ta’ kompetizzjoni ġusta, li jiffavorixxi l-kundizzjonijiet indaqs, jistimola lill-intrapriżi jtejbu lilhom innifishom biex ikunu kompetittivi u jiżviluppa l-inizjattiva privata. Huwa essenzjali li l-Istati Membri, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiggarantixxu l-funzjonament u l-applikazzjoni tagħha b’mod adegwat;

57.

madankollu, itenni r-rwol ġdid tas-settur pubbliku, li għandu jfittex forom ta’ kooperazzjoni pubblika-privata għall-finanzjament tal-infrastrutturi strateġiċi u l-investimenti produttivi kbar. Il-kooperazzjoni pubblika-privata għandha tintuża wkoll għall-iżvilupp ta’ politika industrijali, filwaqt li jitfittex l-allinjament tal-interessi u jinbdew il-proġetti konkreti b’dimensjoni Ewropea; dan isaħħaħ l-effiċjenza tal-infiq pubbliku. Barra minn hekk, il-forom ta’ kooperazzjoni pubblika-pubblika bejn il-livelli differenti ta’ gvern u l-istituzzjonijiet pubbliċi ser jikkontribwixxu għat-titjib tal-koordinazzjoni tal-politiki u għat-tnaqqis tal-ineffiċjenzi;

Il-ġejjieni industrijali tagħna jiddependi mit-trasformazzjoni f’industrija bbażata fuq l-innovazzjoni u l-għarfien.

58.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-viżjoni tal-innovazzjoni bħala element ċentrali tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-pożizzjoni strateġika tagħha permezz tal-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni”. Il-prijorità tat-“tkabbir intelliġenti” tiffoka, bir-raġun, fuq tkabbir ibbażat fuq l-għarfien u l-innovazzjoni bħala wieħed mit-tliet pilastri bażiċi għat-tkabbir ekonomiku tal-UE fil-futur;

59.

jinnota l-importanza li jiġi estiż u approfondit il-kunċett tal-innovazzjoni, filwaqt li ssir enfasi fuq il-ħtieġa li l-industrija tikkombina l-innovazzjoni msejsa fuq l-esperjenza tagħha stess, jiġifieri l-hekk imsejjaħ approċċ tal-“azzjoni, użu u interazzjoni” (DUI: Doing, Using and Interacting), mal-approċċ tax-“xjenza, teknoloġija u innovazzjoni” (STI: Science, Technology and Innovation), fuq il-bażi tal-għarfien espliċitu ta’ natura xjentifika u teknoloġika;

60.

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tatx importanza akbar lill-innovazzjoni mhux teknoloġika bħala sors ta’ vantaġġ kompetittiv. Il-bidliet intraprenditorjali ta’ veru, ħafna drabi, jiġu mill-innovazzjoni fil-ġestjoni intraprenditorjali u organizzattiva f’oqsma bħall-istrateġija, il-proċessi, il-marketing, l-ogranizzazzjoni industrijali jew ir-relazzjoni mal-fornituri. L-għażla tal-innovazzjoni mhux teknoloġika ppermettiet lil ħafna reġjuni u territorji li jimxu ’l quddiem b’rabta mal-kompetittività;

61.

għalhekk, jipproponi li fl-evalwazzjonijiet tal-politika industrijali jiddaħħlu indikaturi tal-innovazzjoni mhux teknoloġika;

62.

jemmen li l-għarfien u l-kreattività huma l-bażi tal-innovazzjoni, u li l-intrapriżi għandhom jinkluduhom u jimmaniġġjawhom b’mod sistematiku fl-attivitajiet kollha tagħhom;

63.

jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tinkludix l-importanza deċiżiva tan-nies fil-politika industrijali l-ġdida, jekk din trid verament tpoġġi s-sisien effettivi biex jiġi żgurat it-tkabbir bilanċjat fit-tul. F’industrija bbażata fuq l-għarfien, in-nies huma l-protagonisti tat-trasformazzjonijiet u tal-vantaġġi kompetittivi tal-intrapriżi;

64.

jaħseb li r-riċerka fl-universitajiet u fiċ-ċentri teknoloġiċi u tar-riċerka, flimkien mar-riċerka teoretika, għandha tkun miftuħa u tiffoka aktar fuq il-ħtiġijiet tas-suq u l-użu prattiku tas-sejbiet tar-riċerka;

65.

jemmen li hemm bżonn koordinazzjoni akbar bejn ir-riċerka u l-industrija, sabiex isir progress fl-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tat-territorji fil-qasam tat-teknoloġiji abilitanti essenzjali, bħan-nanoteknoloġija, il-mikroelettronika u n-nanoelettronika, il-bijoteknoloġija industrijali, il-fotonika, il-materjali avvanzati u t-teknoloġiji avvanzati tal-manifattura, kif ukoll sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta’ netwerks transnazzjonali u tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali;

66.

jindika li l-iżvilupp ta’ industrija Ewropea bbażata fuq l-innovazzjoni u l-għarfien għandha twassal biex l-intrapriżi Ewropej jiksbu numru akbar ta’ privattivi. F’dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li l-intrapriżi u l-inventuri jkollhom sistema effettiva għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, liema sistema tkun tinvolvi inqas spejjeż tal-aċċess u tiżgura protezzjoni legali akbar fil-każ ta’ falsifikazzjoni u piraterija. Għaldaqstant, huwa indispensabbli li tiġi ssemplifikata u mnaqqsa l-proċedura biex jinkisbu l-privattivi u li tiġi armonizzata l-validazzjoni awtomatika tagħhom fl-Istati Membri kollha, b’konformità mal-proposta għal privattiva Ewropea unika;

67.

jinnota li l-ICTs saru fattur determinanti sabiex tiżdied il-produttività tal-intrapriżi u, għalhekk, jaqbel li hemm bżonn jiġi promoss l-użu tagħhom fost l-SMEs. L-adattament u l-integrazzjoni tal-ICTs ser jinfluwenzaw il-potenzjal kompetittiv tal-intrapriżi Ewropej fir-rigward tal-kompetituri minn pajjiżi terzi. Dawn it-teknoloġiji jippromovu l-ħidma kollaborattiva, l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni u ideat, kif ukoll aċċess aktar dirett għas-suq u għall-klijenti;

68.

jenfasizza li huwa importanti ħafna li titjieb l-interrelazzjoni bejn l-atturi differenti u li jiġi adottat il-kunċett ta’ “ekosistemi reġjonali tal-innovazzjoni” fl-istrateġiji tal-iżvilupp reġjonali. L-“ekosistemi reġjonali tal-innovazzjoni” jirrikjedu l-iżvilupp ta’ netwerks u flussi ta’ skambju ta’ għarfien, korpi stabbiliti sew fit-territorju u mudelli organizzattivi flessibbli;

69.

jirrakkomanda li jiġi żviluppat approċċ li jqis aktar il-ħtiġijiet tal-SMEs fid-definizzjoni tal-linji gwida li ser jiggwidaw il-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku li jmiss, filwaqt li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti konġunti Ewropej;

70.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħti iktar importanza lid-dimensjoni reġjonali fid-definizzjoni tal-Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka u l-Iżvilupp, li ser jinkludi l-Programm Qafas u l-Programm CIP kif ukoll it-tkomplija tal-azzjoni pilota “Reġjuni tal-Għarfien” (Regions of Knowledge), biex jissaħħaħ il-potenzjal ta’ riċerka tar-reġjuni Ewropej permezz ta’ clusters transnazzjonali;

71.

itenni l-ħtieġa li jiġi żviluppat kuntest favorevoli biex jiżdied l-impenn tal-kapital privat b’investimenti produttivi relatati mal-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp. Dan jirrikjedi li jiġu żviluppati arranġamenti finanzjarji bħall-kapital ta’ riskju jew l-investituri privati (business angels);

72.

jappella, madankollu, għal sistema ta’ indikaturi u għanijiet aktar preċiżi li, minbarra l-persentaġġ tal-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp min-naħa tal-intrapriżi, tkun tista’ tinkludi wkoll aspetti kwalitattivi relatati mat-titjib tal-kompetittività u l-produttività, jiġifieri li tkun orjentata lejn il-kejl tar-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp;

Nibbenefikaw mill-aspetti b’saħħithom tal-UE u mill-opportunitajiet ġodda sabiex nibnu mudell aktar responsabbli u nagħmlu progress fis-sostenibbiltà

73.

jemmen li l-UE għandha tenfasizza l-aspetti b’saħħtihom li żviluppat għall-benefiċċju tal-kompetittività tal-industrija Ewropea: għandna bażi teknoloġika u xjentifika importanti u universitajiet ta’ livell dinji kif ukoll ħaddiema kkwalifikati u speċjalizzati; żviluppajna suq intern li jelimina l-ostakli għall-kummerċ u għall-moviment liberu tal-ħaddiema; barra minn hekk, ġew żviluppati clusters u netwerks ta’ kooperazzjoni b’saħħithom, u l-UE kienet fost il-pijunieri fl-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet ekoloġiċi;

74.

jinnota li, minkejja l-progress li sar minn mindu nħoloq is-suq uniku, għadhom ma ntużawx bis-sħiħ il-possibbiltajiet tiegħu kollha b’rabta mat-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Is-suq uniku huwa l-mutur ekonomiku tal-UE u t-twettiq sħiħ tiegħu huwa essenzjali biex jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-kompetittività tal-industrija tagħna;

75.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jeliminaw l-ostakli u n-nuqqasijiet li qed iwaqqfu l-potenzjal ta’ tkabbir tas-suq uniku. F’dan is-sens, jirrikonoxxi li bis-saħħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi tneħħew uħud mill-ostakli li jippersistu fis-suq intern għall-forniment ta’ servizzi u l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli taħdem f’din id-direzzjoni, filwaqt li tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali billi dawn huma atturi fundamentali fis-suq tas-servizzi;

76.

jemmen li t-tixjiħ tal-popolazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-konservazzjoni tal-ambjent huma tlieta mill-isfidi prinċipali li ser tiffaċċja l-UE fis-snin li ġejjin;

77.

għalhekk, jinnota li s-sostenibbiltà għandha titqies bħala opportunità ewlenija għall-ġejjieni tal-industrija Ewropea li, mingħajr dubju ta’ xejn, ser tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi u negozji u ta’ impjiegi u negozji ġodda li jkunu ta’ natura deċiżament innovattiva u kompetittiva;

78.

jilqa’ b’mod pożittiv ir-rieda tal-Kummissjoni Ewropea li tinkoraġġixxi r-rabtiet u l-konsistenza bejn l-esiġenzi ambjentali u l-għanijiet tal-politika industrijali, filwaqt li jsir progress fit-transizzjoni lejn ġestjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi fl-industrija kollha. Il-fatt li r-riżorsi enerġetiċi strateġiċi u l-materja prima qed isiru aktar skarsi u għaljin jobbliga lill-industrija tużahom b’mod aktar razzjonali. Dan il-proċess għandu jinvolvi l-effiċjenza fil-konsum, ir-riċiklaġġ kif ukoll is-sostituzzjoni b’materjali alternattivi;

79.

itenni li l-konsolidazzjoni tal-“ekonomija ekoloġika” tirriżulta kemm mill-ħtieġa li l-enerġija tintuża b’mod effiċjenti kif ukoll, b’mod speċjali, minn sensibilizzazzjoni dejjem akbar dwar il-bżonn li jkun hemm aktar ekoinnovazzjoni. B’hekk jiġu żviluppati attivitajiet ekonomiċi innovattivi, minn enerġiji rinnovabbli sa materjali ġodda, bil-għan li jsir kontribut għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju;

80.

madankollu, jemmen li hemm bżonn li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti jiżviluppaw ukoll konsumaturi responsabbli, iggwidati minn konsum etiku u selettiv li jinvolvi esiġenzi akbar ta’ kwalità, informazzjoni u trasparenza għall-intrapriżi. B’hekk il-konsumaturi jaqdu rwol importanti biex jistimolaw il-potenzjal kompetittiv tal-intrapriżi u l-adozzjoni ta’ politiki responsabbli;

81.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-integrazzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva bħala fattur li jikkontribwixxi wkoll għall-kompetittività u r-rwol ta’ mexxejja tal-industrija fil-livell internazzjonali; dan huwa enfasizzat fil-Komunikazzjoni;

82.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jafu l-kundizzjonijiet partikolari ta’ kull territorju u għandhom il-kompetenzi biex ixerrdu valuri ġodda u biex jagħmlu progress fir-responsabbiltà soċjali korporattiva. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tkompli tinkoraġġixxi dan il-kunċett u tistrieħ fuq il-gvernijiet lokali u reġjonali, li huma dawk inkarigati mill-applikazzjoni tiegħu fil-livell lokali. F’dan ir-rigward, huwa fundamentali li l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-ġestjoni tal-politiki jsiru mill-aktar livell ta’ gvern effikaċi u qrib iċ-ċittadini;

83.

huwa favur l-integrazzjoni ta’ mudelli ġodda għall-ġestjoni fl-intrapriżi, li fihom tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-impjegati bħala fattur prinċipali biex tittejjeb l-effiċjenza tal-proċessi industrijali kollha, u għalhekk, tal-kompetittività, kif ukoll biex jiġi evitat li l-kundizzjonijiet tax-xogħol isiru prekarji fil-kuntest ta’ bidla industrijali;

84.

jinnota, madankollu, li fl-istess ħin jeħtieġ li jsir progress fil-flessibbiltà interna tal-industrija. Id-diversi gruppi ta’ interess għandhom jirreaġixxu u jadattaw lilhom innifishom għal kuntest ekonomiku li qed jinbidel. Dan jimplika li l-organizzazzjoni tal-produzzjoni għandha tiġi adattata għall-fluttwazzjonijiet fid-domanda u għat-tibdil teknoloġiku;

85.

f’dan il-kuntest, jappella għal flessibbiltà akbar fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri fuq il-bażi tad-djalogu bejn l-imsieħba soċjali. Din il-flessibbiltà għandha tkun akkumpanjata minn sistemi siguri tal-protezzjoni soċjali, li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-koeżjoni soċjali b’aktar impjiegi u b’impjiegi aħjar. Ir-regolazzjoni tas-swieq tax-xogħol għandha tiżgura t-transizzjoni bejn il-perjodi ta’ qgħad u l-perjodi ta’ reklutaġġ, u toffri garanziji tas-sigurtà ekonomika kif ukoll possibbiltajiet ta’ taħriġ u ta’ direzzjoni professjonali sabiex tissaħħaħ il-kapaċità għall-impjieg;

L-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala msieħba strateġiċi biex tiġi xprunata l-industrija Ewropea

86.

ifakkar fir-rwol ewlieni tal-gvernijiet lokali u reġjonali tal-UE biex jixprunaw il-politika industrijali u biex jiżviluppaw l-ekonomija, bis-saħħa tal-pożizzjoni tagħhom qrib iċ-ċittadini u l-għarfien dirett tagħhom dwar l-istruttura industrijali u l-problemi li jaffettwaw l-intrapriżi;

87.

jitlob li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, flimkien mal-gvernijiet lokali u reġjonali, javvanzaw fit-triq lejn koordinazzjoni akbar u approċċ integrat fit-tfassil ta’ politika industrijali ambizzjuża u ffokata fuq il-kompetittività, li tibbenefika mis-sinerġiji mal-bqija tal-inizjattivi ewlenin inklużi fl-Istrateġija Ewropa 2020;

88.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea ttejjeb il-kundizzjonijiet u l-governanza tal-politika industrijali, filwaqt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej jingħataw rwol aktar importanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika industrijali. Il-fatt li huma qrib ir-realtà tal-intrapriżi u li għandhom ċerti kompetenzi, anke leġislattivi, fil-qasam tal-politika industrijali jagħmilhom atturi ewlenin fl-iżvilupp ekonomiku. Għalhekk, dan il-qasam huwa ideali biex jintuża aktar l-approċċ ta’ politika minn isfel għal fuq (bottom-up);

89.

jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet lokali u reġjonali biex jistabbilixxu patti territorjali fil-livell nazzjonali għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni fi sħubija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR), kif ukoll biex jevalwaw b’mod konġunt il-progress tagħhom bil-għan li jikkoordinaw u jiffokaw l-isforzi u l-aġendi politiċi tagħhom fuq l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Mingħajr dubju ta’ xejn, dan jikkontribwixxi b’mod deċiżiv biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

90.

jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex isir progress fil-koeżjoni territorjali u fit-tnaqqis tad-differenzi ekonomiċi u soċjali, billi huma atturi ewlenin fl-iżvilupp ta’ approċċ kapillari li jikkontribwixxi għall-istrutturar tal-politika industrijali fil-livell territorjali Ewropew.

Brussell, 11 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  COM(2010) 614 finali

(2)  Partijiet interessati li jippromovu l-ekonomija tal-prossimità: aġenziji tal-iżvilupp reġjonali, aġenziji tal-iżvilupp lokali, ċentri teknoloġiċi u tar-riċerka, ċentri tat-taħriġ, universitajiet u servizzi tal-impjieg.

(3)  COM(2010) 553 finali

(4)  COM(2011) 17 finali

(5)  COM(2010) 612


11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/37


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza — inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020”

2012/C 9/08

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jitlob li diġà fl-2012 ikun aktar iffokat il-kalendarju tal-Pjan Direzzjonali għal Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza; iħeġġeġ ukoll biex l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali kompetenti jiġu kkonsultati, sabiex jiġi żgurat li l-indikaturi jkunu realistiċi u jistgħu jintlaħqu kemm f’termini ta’ kapaċità kif ukoll ta’ affordabilità;

jistieden lill-Kummissjoni tqis l-adozzjoni ta’ “pakkett” ta’ erba’ indikaturi dwar l-użu tar-riżorsi: l-impronta fuq id-dinja (land footprint), l-użu tal-materja prima (bijodiversità, riżorsi bijoloġiċi u minerali), l-impronta fuq l-ilma u l-impronta tal-gassijiet b’effett ta’ serra (water and greenhouse-gas footprint); jinsisti mal-Kummissjoni li tinkludi l-indikaturi bħala parti integrali mis-sistema ta’ rapporti nazzjonali għall-Ewropa 2020, u l-Inizjattiva Ewlenija relatata tagħha, sabiex jiddirieġu t-tħejjijiet tal-programmi nazzjonali ta’ riforma u tal-baġit;

jiddeplora l-fatt li l-pjan direzzjonali ma jsemmix il-possibbiltà li l-Patt tas-Sindki jiġi assoċjat mal-isforzi li qed isiru fil-qasam tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u jipproponi li flimkien mal-Kummissjoni Ewropea jistudja l-mezzi konkreti biex il-Patt tas-Sindki jestendi għal oqsma ta’ applikazzjoni fundamentali tal-inizjattiva ewlenija “Ewropa li tuża’ r-riżorsi b’effiċjenza”, bħall-bijodiversità, l-użu tal-art, il-ġestjoni tal-iskart, l-ilma, jew it-tniġġis tal-arja;

jipproponi mezzi konkreti li jimmiraw b’mod partikolari lejn l-estenzjoni għal sistemi tat-trasport u tal-enerġija b’użu baxx tal-karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, il-promozzjoni tal-akkwist pubbliku ekoloġiku, biex b’hekk tintlaħaq soċjetà li ma taħlix permezz ta’ ottimizzazzjoni tal-prevenzjoni tal-iskart u billi l-iskart jitqies bħala riżors fi ħdan ekonomija ċirkolari; il-promozzjoni tas-sostituzzjoni u tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fil-katina ta’ valur tal-materji prima; l-użu effiċjenti, il-ħarsien u r-restawr ta’ servizzi tal-ekosistema, u t-tnaqqis tal-estensjoni tas-superfiċje b’ħamrija impermeabbli fejn dan huwa neċessarju.

Relatur

Is-Sur Michel LEBRUN (BE/PPE), Membru tal-Parlament tal-Komunità Franċiża

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza – Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020

COM(2011) 21 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi

COM(2011) 571 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

huwa tal-fehma li politika fil-qasam tal-ambjent, tal-klima u tal-enerġija ffokata fuq il-ġejjieni trid tissejjes fuq il-prinċipju tal-ġestjoni tajba. B’dan, il-Kumitat ifisser li l-bniedem għandu r-responsabbiltà li jġestixxi u juża r-riżorsi naturali b’mod u f’ammont li jiżguraw is-sostenibbiltà tagħhom u li jżommu d-diversità tagħhom. L-għan globali ta’ politika ta’ dan it-tip huwa li l-iżvilupp jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet preżenti mingħajr ma tiġi kompromessa l-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;

2.

huwa mħasseb dwar il-fatt li llum l-Unjoni Ewropea tinsab fi triq perikoluża u mhux vijabbli fir-rigward tal-iżvilupp, il-produzzjoni u l-konsum. Dan tikkonfermah il-Kummissjoni fl-inizjattiva ewlenija: “Mhux possibbli li nibqgħu sejrin kif aħna fir-rigward tal-użu tar-riżorsi”;

3.

f’dan il-kuntest, jilqa’ t-tnedija tal-inizjattiva ewlenija “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza”, li l-għan tagħha hu li l-użu effiċjenti tar-riżorsi jsir il-prinċipju gwida tal-politiki tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal-enerġija u tal-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, tat-trasport, tal-materja prima u tal-prodotti bażiċi, tal-konsum u tal-produzzjoni sostenibbli tal-prodotti u s-servizzi, tal-ġestjoni tal-iskart, tal-użu tal-art u tal-ekosistemi, tal-agrikoltura u tas-sajd; din l-inizjattiva għandha l-funzjoni importanti li tappoġġja l-ħolqien ta’ sinerġiji bejn id-diversi oqsma kif ukoll li tibbilanċja l-interessi u l-għanijiet, filwaqt li fl-istess ħin tistabbilixxi approċċ komuni, koerenti u sostenibbli għall-użu tar-riżorsi;

4.

bi pjaċir jilqa’ l-effett pożittiv tal-inizjattiva ewlenija fuq il-politika Ewropea dwar l-ambjent. Madankollu, il-politika Ewropea dwar l-ambjent b’mod ġenerali u l-politika attwali dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi (bħall-istrateġija tematika għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali) b’mod partikolari jiffokaw fuq it-tnaqqis tal-effetti ambjentali negattivi tal-iżvilupp ekonomiku u l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali. Din l-inizjattiva ewlenija tinkludi l-impatt negattiv tal-użu ineffiċjenti tar-riżorsi naturali fuq l-iżvilupp ekonomiku, u b’hekk qed isservi bħala xprun neċessarju għall-integrazzjoni msaħħa tal-politika ambjentali fil-politika tal-prodotti u l-politika ekonomika tal-UE;

5.

jifraħ bil-fatt li l-inizjattiva ewlenija tinkludi fil-preokkupazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea r-riżorsi naturali kollha, jiġifieri r-riżorsi tradizzjonali tal-enerġija iżda wkoll il-materja prima bijotika u abijotika bħall-karburanti, il-bijomassa, il-minerali, il-metalli u l-injam, ir-raba’ u l-istokkijiet tal-ħut, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, kif ukoll is-servizzi tal-ekosistemi jew dawk marbutin mal-ħarsien tal-bijodiversità;

6.

jifraħ ukoll bil-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni jesprimi ruħu dwar ir-rwol li għandhom jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva sa mill-bidu nett tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, b’mod partikolari meta għandhom kompetenzi speċifiċi relatati ma’ din l-inizjattiva, l-aktar b’rabta mal-istandards, pereżempju għall-bini jew għall-ġestjoni tal-iskart. B’hekk il-Kumitat tar-Reġjuni qed jingħata l-possibbiltà li jsemma leħnu sa mill-ewwel stadji tat-tfassil tal-politiki futuri;

7.

jaqbel bis-sħiħ mal-analiżi tal-Kummissjoni li għandhom jiġu rispettati tliet kundizzjonijiet kruċjali sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mill-vantaġġi ta’ ekonomija li tuża r-riżorsi b’effiċjenza u li jkollha livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Dawn il-kundizzjonijiet huma: 1) ir-rieda politika li ssir bidla, 2) pjan fit-tul għall-politika u l-investiment u 3) bidla fuq perjodu twil fil-kuxjenza u fl-imġiba taċ-ċittadini kollha fir-rigward tar-riżorsi. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu żviluppati u implimentati b’approċċ ta’ governanza f’diversi livelli. F’dan il-kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni jfakkar fir-rwol kruċjali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-politiki (1), liema rwol diġà ġie rikonoxxut b’mod ċar mill-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew;

L-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva ewlenija “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza”

8.

japprezza li l-Unjoni Ewropea timpenja ruħha biex tistabbilixxi rabta mill-qrib bejn l-iżvilupp ekonomiku, il-benesseri tas-soċjetajiet u l-użu responsabbli tar-riżorsi naturali;

9.

jemmen li t-transizzjoni lejn ekonomija li tuża r-riżorsi b’effiċjenza ser ittejjeb il-benesseri għall-ġenerazzjonijiet futuri u dawk attwali. Wieħed mill-aspetti ta’ dan il-benesseri ser ikun il-ħolqien ta’ opportunitajiet kbar għall-ekonomija, il-kummerċ u l-innovazzjoni, u ser tikkontribwixxi għall-appoġġ tal-kompetittività tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari billi tnaqqas l-ispejjeż tal-materjali u tal-konsum tal-enerġija u billi tistimola l-impjieg fis-settur tat-tekonoloġiji ekoloġiċi;

10.

jenfasizza li sabiex jittejbu l-ambjent u l-kwalità tal-arja hemm bżonn ta’ politika ambizzjuża ta’ tnaqqis fis-sors, kif ukoll li tissaħħaħ il-politika tal-UE dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u t-tniġġis tal-arja;

11.

jinnota li ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali diġà adottaw u implimentaw b’suċċess politiki u prattiki differenti maħsuba biex jippromovu l-użu effiċjenti tar-riżorsi. Dawn l-inizjattivi jistħoqqilhom li jkunu magħrufa u rikonoxxuti fil-livell Ewropew biex kulħadd ikun jista’ jibbenefika mill-għarfien espert miksub minn uħud f’dan il-qasam u biex jiġu promossi dawk l-inizjattivi l-aktar effiċjenti u bl-aħjar prestazzjoni;

12.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-test tal-inizjattiva tal-Kummissjoni ma jagħmilx referenza għad-diversi strumenti u strateġiji politiċi tal-Unjoni Ewropea li diġà bdew jindirizzaw il-kwistjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi, bħall-istrateġija tematika għall-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-istrateġija tematika għall-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart, jew il-pjan ta’ azzjoni dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u dwar politika industrijali sostenibbli. Dawn l-istrateġiji jistgħu jservu ta’ preċedent fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji li jmiss maħsuba biex jindirizzaw kwistjonijiet oħra relatati mal-ġestjoni tar-riżorsi naturali;

13.

jisħaq fuq ir-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri li jippromovu kull inizjattiva li l-għan tagħha hu li ttejjeb l-użu effiċjenti tar-riżorsi f’livell dinji; f’dan is-sens, il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja l-pakkett ta’ inizjattivi propost mill-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tat-tħejjija tal-konferenza Rio+ 20, li ser issir f’Ġunju 2012, b’mod partikolari l-miżuri mmirati li jippromovu l-finanzjament u l-investiment privat u pubbliku, kif ukoll il-miżuri maħsuba li jwasslu għall-implimentazzjoni progressiva ta’ sistema ta’ governanza dinjija multilaterali aktar effikaċi. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li l-istruttura ta’ din is-sistema ta’ governanza tkun mogħnija b’mekkaniżmi ta’ parteċipazzjoni u ta’ kooperazzjoni f’livelli differenti li jippermettu l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva tar-reġjuni u l-bliet fl-oqsma li jikkonċernawhom;

14.

jingħaqad mal-Kummissjoni Ewropea fit-talba għal implimentazzjoni mgħaġġla tad-dikjarazzjoni tal-OECD dwar it-tkabbir ekoloġiku li ġiet adottata f’Ġunju 2009;

15.

jingħaqad mal-appoġġ li taw l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha lill-ħidma li wettaq il-Panel Internazzjonali għall-Ġestjoni tar-Riżorsi Sostenibbli mwaqqaf fil-qafas tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) kif ukoll l-inizjattiva tiegħu għal ekonomija ekoloġika;

16.

jiddispjaċih li l-qafas ta’ programmazzjoni għal għaxar snin li jikkonċerna l-modi tal-konsum u tal-produzzjoni sostenibbli għall-perjodu mill-2011 sal-2021, ma setax jiġi adottat matul id-19-il sessjoni tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet dwar l-Iżvilupp Sostenibbli;

Il-governanza fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020

17.

jenfasizza li l-politiki ambjentali u dawk soċjali jiddependu minn xulxin. L-ogħla livell tal-produzzjoni taż-żejt u tal-gass, li skont xi wħud laħaq il-perjodu ta’ staġnar, kif ukoll l-ogħla livell tal-produzzjoni ta’ materjali oħra bla dubju ser iwasslu għal żieda fil-prezzijiet tagħhom. L-ewwel li ser ibatu huma l-persuni bl-aktar dħul baxx u r-reġjuni bi dħul medju l-aktar baxx;

18.

jisħaq li, minħabba n-natura trasversali u kumplessa tal-inizjattiva ewlenija, huwa essenzjali li l-governanza tagħha tkun effettiva u li l-progress tagħha jiġi ssorveljat b’mod effiċjenti fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, tas-Semestru Ewropew u tal-eżerċizzju tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir permezz ta’ kontroll annwali tal-prestazzjoni tal-Istati Membri, sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tuża r-riżorsi b’aktar effiċjenza;

19.

jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi ċċarata d-dimensjoni baġitarja tal-inizjattivi ewlenin fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 (2). Il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għandu jirrifletti l-ambizzjonijiet tal-inizjattiva ewlenija dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi għaliex din l-inizjattiva, billi tiżgura li l-interventi tal-UE jkunu kkoordinati f’qafas strateġiku komuni, tintrabat ma’ għadd ta’ politiki ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni Ewropea;

20.

jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra kemm l-Istati qed jimpenjaw ruħhom biex jippromovu l-użu effiċjenti tar-riżorsi matul l-evalwazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) li ppreżentaw dawn tal-aħħar f’April tal-2011;

21.

ifakkar li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 ser jiddependi fil-biċċa l-kbira mid-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-livell lokali u reġjonali. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat tar-Reġjuni diġà stqarr li hu favur li fil-PNR tissemma l-introduzzjoni ta’ patti territorjali għall-Ewropa 2020 fil-forma ta’ sħubijiet f’diversi livelli bejn l-amministrazzjonijiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali (3);

22.

għaldaqstant, iħeġġeġ l-iżvilupp lokali integrat bħala metodu ewlieni ta’ implimentazzjoni tal-miri ta’ din l-inizjattiva ewlenija;

23.

jemmen li huwa essenzjali li l-Kumitat tar-Reġjuni jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva ewlenija “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza” kif ukoll fil-politika integrata dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi bis-saħħa tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020;

Pjan direzzjonali għal Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza

24.

jitlob li l-kalendarju propost fil-qafas tal-pjan direzzjonali li jistabbilixxi d-data sa meta għandhom jiġu ddeterminati u adottati b’mod suċċessiv l-indikaturi u l-għanijiet sal-aħħar tas-sena 2013 ikun aktar iffokat; il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li l-adozzjoni ta’ dawn l-indikaturi tkun tista’ ssir tul is-sena 2012. Barra minn hekk, il-KtR iħeġġeġ biex l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali kompetenti jiġu kkonsultati dwar dawn l-iskadenzi indikaturi, sabiex jiġi żgurat li jkunu realistiċi u jistgħu jintlaħqu kemm f’termini ta’ kapaċità kif ukoll ta’ affordabilità;

25.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea mniżżla fil-“Pjan direzzjonali għal Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza” li jiġi adottat għadd limitat ta’ indikaturi sabiex tiġi żgurata l-viżibbiltà u l-effiċjenza tagħhom bħala bażi tat-tfassil tal-politiki. L-għażla ta’ dawn l-indikaturi għandha tissejjes fuq kemm huma importanti, rilevanti, affidabbli u sodi, u għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod kemm jista’ jkun wiesa’;

26.

jistieden lill-Kummissjoni tqis l-adozzjoni ta’ “pakkett” ta’ erba’ indikaturi dwar l-użu tar-riżorsi: l-impronta fuq id-dinja (land footprint), l-użu tal-materja prima (bijodiversità, riżorsi bijoloġiċi u minerali), l-impronta fuq l-ilma u l-impronta tal-gassijiet b’effett ta’ serra (water and greenhouse-gas footprint). Dawn l-indikaturi jistgħu jitkejlu b’mod relattivament faċli, filwaqt li jipprovdu indikazzjoni tajba dwar l-użu li nagħmlu mir-riżorsi u l-impatt tiegħu. Huma jikkomplementaw l-indikaturi li jkejlu l-impatt ambjentali u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

27.

jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi adottat indikatur globali, bħall-“impronta ekoloġika”, bħala strument siewi għall-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni. Iżda wieħed għandu jifhem b’mod ċar peress li dan it-tip ta’ indikatur jiġbor flimkien bosta elementi u b’hekk l-użu tiegħu bħala kontribut fit-tfassil tal-politiki huwa limitat; id-data u l-metodoloġija għandhom jiġu armonizzati bejn il-pajjiżi, u l-Kummissjoni tista’ tgħin biex jinkiseb dan;

28.

jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea favur l-adozzjoni ta’ għadd limitat ta’ għanijiet li jkunu ambizzjużi, ikkwantifikati, preċiżi u koerenti rigward l-użu effiċjenti tar-riżorsi. Dawn l-għanijiet għandhom ikunu, ngħidu aħna, it-titjib tar-riżultati miksuba mill-erba’ indikaturi msemmija fil-punt 26, pereżempju, it-twaqqif għalkollox tal-estensjoni tas-superfiċje b’ħamrija impermeabbli jew iż-żieda fir-rati tal-prevenzjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart;

29.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex fl-evalwazzjoni tal-indikaturi u l-għanijiet teżamina kemm huwa possibbli li jitwettqu l-politiki li jistgħu jadottaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq il-bażi ta’ dawn l-indikaturi;

30.

jinsisti mal-Kummissjoni li tinkludi l-indikaturi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ser iniedi s-semestru ekonomiku mill-2012, biex b’hekk isiru parti integrali mis-sistema ta’ rapporti nazzjonali għall-Ewropa 2020, u jiddirieġu d-diskussjonijiet lejn il-mod kif il-programmi ta’ riforma u t-tħejjijiet baġitarji nazzjonali għandhom ikunu konformi mal-Istrateġija Ewropa 2020;

31.

jappella biex dawn l-indikaturi dwar l-użu tar-riżorsi jkunu parti integrali mill-valutazzjonijiet tal-impatt tal-proposti ta’ politika li jagħmlu l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi gwida u għodod sabiex l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-intrapriżi u l-korpi l-oħra jkunu jistgħu jużaw dawn l-indikaturi b’mod sempliċi u effettiv;

32.

jinnota li l-firxa u d-diversità tal-isfidi li jridu jiġu indirizzati fil-qasam tal-preservazzjoni tar-riżorsi jirrikjedu l-mobilizzazzjoni tal-istrumenti kollha li huma disponibbli fil-livell Ewropew, nazzjonali, lokali u reġjonali. L-istrumenti Ewropej u nazzjonali jirrappreżentaw integrazzjoni msaħħa tal-aspetti ambjentali fil-politika ekonomika u l-politika tal-prodotti, u wieħed mill-istrumenti fil-livell lokali huwa l-Patt tas-Sindki, li wera l-effiċjenza tiegħu fil-qasam tal-enerġija;

33.

jistieden lill-istituzzjonijiet internazzjonali, Ewropej, nazzjonali u sottonazzjonali biex f’dan il-lat jikkunsidraw l-esperjenza wiesgħa u r-riżultati li nġabru diġà mill-firmatarji tal-Patt tas-Sindki (madwar 3 000 muniċipalità, ’il fuq minn 100 reġjun, f’aktar minn 40 pajjiż);

34.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE jaħdmu flimkien dwar mekkaniżmi konkreti li permezz tagħhom l-esperjenza tal-Patt tas-Sindki tkun tista’ tinqasam mal-imsieħba globali tagħna, pereżempju t-trawwim ta’ kooperazzjoni fil-livell lokali u reġjonali dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi bejn il-bliet u r-reġjuni tal-UE u l-ġirien fin-Nofsinhar u l-Lvant, kif ukoll mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

35.

jiddeplora l-fatt li l-pjan direzzjonali ma jsemmix il-possibbiltà li l-Patt tas-Sindki jiġi assoċjat mal-isforzi li qed isiru fil-qasam tal-użu effiċjenti tar-riżorsi. F’dan il-kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni Ewropea taħdem biex testendi l-Patt tas-Sindki għal dan il-qasam;

36.

jipproponi wkoll li flimkien mal-Kummissjoni Ewropea jistudja l-mezzi konkreti biex il-Patt tas-Sindki jestendi għal oqsma ta’ applikazzjoni fundamentali tal-inizjattiva ewlenija “Ewropa li tuża’ r-riżorsi b’effiċjenza”, bħall-bijodiversità, l-użu tal-art, il-ġestjoni tal-iskart, l-ilma, jew it-tniġġis tal-arja (CdR 164/2010 fin);

37.

fid-dawl tat-tħejjija ta’ Pjan ta’ salvagwardja tal-ilmijiet Ewropej, jitlob b’mod partikolari li fl-2012 il-Kummissjoni Ewropea, bi sħubija mal-Kumitat, twessa’ l-Patt tas-Sindki biex jinkorpora l-għanijiet 20-20-20 għall-ġestjoni integrata tal-ilma, kif ġie indikat fl-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni CdR 5/2011 finali;

38.

jappoġġja bis-sħiħ il-ħolqien ta’ “pjattaforma ta’ transizzjoni għal bosta atturi dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi”, li għandha tinkludi wkoll lil “dawk li jfasslu l-politika minn diversi livelli amministrattivi inklużi dawk reġjonali u lokali” (4). Pjattaforma bħal din tista’ tintalab tieħu ħsieb ir-rabta bejn il-politiki kkonċernati u tgħin biex jiġu identifikati l-għanijiet u l-ostakli għat-transizzjoni;

39.

jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tixrid fin-netwerk tal-aħjar prattiki u l-iskambju tagħhom bejn l-aġenziji li jmexxu programmi marbutin mal-użu effikaċi tar-riżorsi. Barra minn hekk il-Kumitat tar-Reġjuni jistieden lill-Unjoni Ewropea tappoġġja l-ħolqien ta’ aġenziji nazzjonali, reġjonali u lokali inkarigati mill-użu effiċjenti tar-riżorsi, fejn dawn ma jeżistux. Il-kompetenzi tal-aġenziji eżistenti jistgħu jiġu estiżi għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-użu effiċjenti tar-riżorsi u għandhom jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni u pariri lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-intrapriżi kif ukoll liċ-ċittadini dwar il-miżuri u s-soluzzjonijiet li jeżistu u jistgħu jintużaw b’rabta mal-użu effiċjenti tar-riżorsi;

L-elementi maħsuba biex jimplimentaw l-inizjattiva ewlenija “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza”

40.

jisħaq li Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza ser teħtieġ mhux biss l-innovazzjoni teknoloġika, iżda wkoll l-innovazzjoni fis-sistema soċjoekonomika tagħha, b’mudelli ġodda ta’ mġiba fir-rigward tal-produzzjoni u l-konsum, bidla fil-modi tal-għajxien u mudelli ġodda ta’ governanza kif ukoll programm ta’ riċerka strateġika ffokat fuq l-innovazzjoni sistematika;

41.

b’mod partikolari, jappella biex isir it-tibdil meħtieġ fl-infrastruttura sabiex ikunu jistgħu jinħolqu “intergrids” intelliġenti biex in-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-kooperattivi jkunu jistgħu jiġġeneraw l-enerġija ekoloġika tagħhom stess u jaqsmuha man-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-kooperattivi f’reġjuni oħra; jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex torganizza konferenza speċjali mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati rilevanti sabiex tinbeda t-trasformazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija Ewropea;

42.

jistqarr li sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-inizjattiva ewlenija jinħtieġu għadd ta’ miżuri, bħal pereżempju t-tibdil tal-politiki baġitarji u ekonomiċi tal-Istati Membri kif ukoll ir-riformi ekoloġiċi tat-taxxi li jqisu aktar l-użu effiċjenti tar-riżorsi; ser ikun hemm bżonn ukoll li l-kontabbiltà nazzjonali tkun diretta lejn il-kwistjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi, u fl-istess ħin li tiġi appoġġjata l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni biex jiġu stabbiliti prezzijiet adegwati, min iniġġes jiġi mġiegħel iħallas filwaqt li jitħares il-konsumatur, u jitneħħew bil-mod il-mod is-sussidji li jkollhom konsegwenzi ħżiena fuq l-ambjent;

43.

jemmen li t-tfassil ta’ sistema Ewropea tat-trasport b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u b’użu effiċjenti tar-riżorsi huwa element essenzjali għas-suċċess tal-inizjattiva ewlenija. F’dan il-kuntest jeħtieġ li titnaqqas il-kwantità ta’ enerġija u ta’ materja prima neċessarji għall-manifattura tal-vetturi u li tiġi appoġġjata l-industrija f’dan il-qasam, sabiex jitnaqqas b’mod sostanzjali l-konsum u jiġu implimentati sistemi ta’ trasport li b’mod ġenerali jkollhom impatt dejjem iżgħar fuq ir-riżorsi;

44.

japprezza li fl-inizjattiva ewlenija ġiet inkluża l-promozzjoni ta’ politika Ewropea tal-ilma li tagħti prijorità lill-miżuri tal-iffrankar tal-ilma u liż-żieda tal-użu effiċjenti tal-ilma. Il-Kumitat tar-Reġjuni ser iressaq xi rakkomandazzjonijiet dwar dan is-suġġett fl-opinjoni ta’ prospettiva tiegħu dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-promozzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli tal-ilma” (5);

Ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u sistema tal-enerġija li tuża r-riżorsi b’effiċjenza

45.

jiddispjaċih li l-politiki dwar l-użu effiċjenti tal-enerġija li qed jiġu implimentati bħalissa ma jippermettux li jintlaħqu l-għanijiet tal-pakkett ta’ miżuri leġislattivi Ewropej dwar l-enerġija u l-klima għall-2020. Jemmen li l-użu effiċjenti tal-enerġija għandu jsir għan obbligatorju u għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-għanijiet li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra stabbiliti għall-2050;

46.

jistieden lill-Kummissjoni tkompli tikkonċentra fuq is-setturi tal-bini, tas-servizzi u tat-trasport fl-inizjattivi leġislattivi u finanzjarji li ser isiru wara l-“Pjan Ewropew għall-Effiċjenza Enerġetika 2011” li adottat dan l-aħħar (6);

47.

jerġa’ jisħaq li s-settur tal-bini għandu jirċievi l-inċentivi regolatorji u finanzjarji adatti biex tiżdied ir-rata tar-renovazzjoni bil-għan li l-enerġija tintuża b’mod effiċjenti;

48.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu żgurati t-taħriġ u t-taħriġ avvanzat ta’ ħaddiema kompetenti u aċċessibbli b’rabta mal-użu effiċjenti tal-enerġija fis-setturi ekonomiċi milquta kollha, u b’hekk anke fis-settur tal-bini. Il-Kumitat tar-Reġjuni jissuġġerixxi li tiġi implimentata strateġija Ewropea dwar is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ ta’ dawn il-ħaddiema; b’rabta ma’ dan jenfasizza l-potenzjal tal-inizjattiva ewlenija u l-miżuri innovattivi meħtieġa għall-ħolqien ta’ impjiegi bi kwalifiki għoljin u fuq perjodu twil f’għadd ta’ setturi u oqsma professjonali differenti fl-UE;

49.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi miżuri konkreti fil-qasam tar-renovazzjoni tal-bini permezz tad-direttiva futura tagħha dwar l-iffrankar tal-enerġija, u biex għal wara l-2013 tipprevedi ammonti suffiċjenti fil-pjan baġitarju multiannwali bil-għan li l-bini fl-Ewropa jiġi rranġat u rinnovat b’mod li jkun juża l-enerġija b’mod effiċjenti. Dawn il-miżuri għandhom ikunu assoċjati ma’ strateġija ta’ finanzjament għall-bini b’konsum baxx ħafna tal-enerġija;

50.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi sistema uniformi ta’ miżuri għall-użu effiċjenti tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea li tinkludi metodoloġija li tkun tista’ tiġi applikata mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

51.

jilqa’ l-għan tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq it-transizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra li tkun effiċjenti fil-mod kif tuża r-riżorsi (7);

52.

jitlob li dawn l-għanijiet jiġu riflessi b’mod adatt fil-qafas finanzjarju multiannwali, anke billi jingħata finanzjament addizzjonali lil-livell lokali u lil dak reġjonali;

53.

jagħraf l-importanza tas-sistema Ewropea għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet bħala strument li hu maħsub biex jorjenta l-investimenti fis-setturi li jkopri – il-ġenerazzjoni tal-elettriku, l-industriji b’livell għoli ta’ konsum ta’ enerġija, u, mis-sena d-dieħla, l-avjazzjoni – billi jipprovdi kumpens finanzjarju għall-investimenti li jiffavorixxu impronta żgħira tal-karbonju, u jittama li din is-sistema tkun aktar effiċjenti wara l-2012;

54.

madankollu, jappella biex is-sistema Ewropea għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet taqdi rwol akbar fil-promozzjoni tat-teknoloġiji b’impronta żgħira tal-karbonju, għax dawn it-teknoloġiji jikkontribwixxu wkoll għat-titjib tar-riżultati miksuba mill-indikaturi tal-użu tar-riżorsi u ma jżidux ir-riskji ambjentali;

55.

għalhekk, japprova l-proġetti tal-Kummissjoni Ewropea li l-għan tagħhom hu li jneħħu mis-suq parti mill-kwoti attwali sabiex jistimolaw it-transizzjoni tal-Unjoni Ewropea lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju;

56.

japprova l-fatt li l-pjan direzzjonali jinkludi xi prattiki għall-ġestjoni tal-art li jiffavorixxu aktar iż-żamma tal-karbonju fil-ħamrija; u jfakkar li ż-żieda fl-ammont ta’ materja organika fil-ħamrija toffri vantaġġi oħra għall-ambjent u l-biedja, kif ukoll għall-konservazzjoni tal-artijiet u tal-fertilità tagħhom;

57.

madankollu, jiddispjaċih li l-potenzjal tas-settur agrikolu biex itaffi l-effetti tat-tibdil fil-klima jinsab maqsum bejn diversi kategoriji differenti fil-protokolli tan-Nazzjonijiet Uniti u ta’ Kjoto dwar il-komunikazzjoni tal-informazzjoni u dwar il-kontabbiltà, minkejja li dan is-settur huwa mitlub jaqdi rwol fundamentali fl-użu effiċjenti u sostenibbli tar-riżorsi;

58.

jenfasizza l-importanza li jinsab bilanċ bejn l-użu tal-bijokarburanti f’ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u l-ħarsien tal-bijodiversità, il-ġestjoni tal-ilma u l-preservazzjoni tal-ambjent inġenerali u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel fid-dinja;

59.

jenfasizza l-importanza li l-politiki tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jiġu akkumpanjati minn miżuri soċjali li permezz tagħhom il-persuni u r-reġjuni l-aktar vulnerabbli jkollhom aċċess għal servizzi li jużaw l-enerġija b’mod effiċjenti;

Konsum u produzzjoni sostenibbli

60.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiggarantixxi l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan ta’ azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u dwar politika industrijali sostenibbli, u biex tadotta approċċ usa’;

61.

jappella biex il-Kummissjoni tappoġġja approċċ “top runner” rigward il-politika tal-prodotti, billi tinkludi aktar l-istrumenti dissważivi li jneħħu mis-suq il-prodotti bl-agħar prestazzjoni u l-istrumenti ta’ inċentiv li jagħtu kumpens għall-aħjar prodotti u jaċċelleraw id-dħul tagħhom fis-suq;

62.

jinkoraġġixxi l-innovazzjoni ekoloġika biex jinħolqu prodotti jew servizzi ġodda li jkunu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, bħala għodda essenzjali għall-użu effiċjenti tar-riżorsi, kif ukoll biex tissaħħaħ il-kompetittività u jinħolqu aktar impjiegi. Il-pjan ta’ azzjoni futur dwar l-innovazzjoni ekoloġika għandu jiżviluppa sħubijiet ġodda fil-qasam tal-innovazzjoni li jinvolvu l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

63.

itenni l-impenn tiegħu li jippromovi l-użu tal-akkwisti pubbliċi ekoloġiċi (APE) fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

64.

jitlob li jiġu stabbiliti għanijiet obbligatorji rigward l-akkwisti pubbliċi ekoloġiċi għall-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej kif ukoll li l-akkwisti pubbliċi ekoloġiċi jiġu inklużi bħala elementi adatti tad-direttiva futura dwar l-akkwisti pubbliċi biex tiżdied iċ-ċarezza legali u biex jiġi ġeneralizzat l-użu tagħhom;

65.

jappella biex issir reviżjoni fil-fond tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn u tal-miżuri implimentattivi tagħha sabiex jiġi promoss l-użu effiċjenti tar-riżorsi bis-saħħa tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għal prodotti mhux tal-enerġija li jħallu impatt sinifikanti fuq l-ambjent (8); jemmen li għandu jiġi inkoraġġut l-iżvilupp ta’ metodi għall-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti u tas-servizzi u li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandu jkollhom aċċess faċli għar-riżultati tagħhom sabiex jgħinuhom fid-deċiżjonijiet tagħhom;

66.

jitlob li jittieħdu miżuri biex jingħelbu l-prattiki kkalkulati u bla skrupli li jnaqqsu l-ħajja tal-prodotti u s-servizzi. B’dan it-tip ta’ miżuri jiżdied it-tul tal-ħajja utli tal-prodotti, ikun aktar faċli li jissewwew u li jiġu riċiklati fl-aħħar taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, u jiġu appoġġjati l-inizjattivi ekonomiċi u industrijali li jikkontribwixxu għal dan il-proċess;

67.

jinkoraġġixxi li tintuża aktar l-Iskema għall-Immaniġġjar tal-Ambjent u Verifika (EMAS), speċjalment min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala strument ffokat fuq is-suq u maħsub biex jindirizza l-ġestjoni tar-riżorsi mill-organizzazzjonijiet. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li l-parteċipazzjoni f’din is-sistema tista’ tiżdied jekk jitneħħew jew jitnaqqsu l-ispejjeż relatati magħha, u jekk l-Istati Membri jintalbu jistabbilixxu l-miri tagħhom stess fir-rigward tal-għadd ta’ korpi li jipparteċipaw b’mod uffiċjali fl-EMAS;

68.

jitlob bil-qawwa lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex isaħħu l-miżuri maħsuba biex jagħmlu lill-konsumaturi u lill-intrapriżi konxji mill-impatti ambjentali u soċjali tal-konsum tagħhom, bħall-pjani tat-tikkettjar, l-inklużjoni tal-konsum sostenibbli fis-sistemi ta’ tagħlim u ta’ taħriġ, u t-tisħiħ tal-kontroll tal-argumenti kummerċjali ta’ natura ekoloġika;

Biex l-Unjoni Ewropea ssir “ekonomija ċirkulari”

69.

jappella biex jiġi adottat l-għan ta’ soċjetà mingħajr skart li tkun imsejsa fuq l-aħjar użu possibbli tal-prevenzjoni tal-iskart u fuq il-perċezzjoni tal-ipproċessar tal-iskart bħala riżorsa fil-kuntest ta’ ekonomija ċirkulari tal-materjali;

70.

jiddispjaċih li l-aktar mod komuni biex jiġi eliminat l-iskart urban għadu li jindifen fil-miżbliet. Għaldaqstant, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti attenzjoni partikolari lill-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni Ewropea rigward l-iskart, li hu element essenzjali għall-promozzjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi;

71.

jitlob bil-qawwa lill-istituzzjonijiet Ewropej, lill-Istati Membri kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jieħdu miżuri effiċjenti kontra l-fatt li l-iskart jintbagħat f’faċilitajiet tal-ipproċessar li ma jikkonformawx mal-istandards, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hinn minnha, biex itejbu l-kompetittività tal-industriji Ewropej tar-riċiklaġġ tul il-katina kollha tal-valur, biex jistimolaw l-innovazzjoni fl-oqsma tal-użu effiċjenti tar-riżorsi u tad-disinn ta’ prodotti li jistgħu jiġu riċiklati, biex joħolqu inċentivi ekonomiċi jew strumenti ġodda bbażati fuq is-suq bil-għan li tiġi riċiklata u promossa l-materja prima sekondarja, u biex itejbu kemm jista’ jkun it-tfassil u l-użu tal-kriterji tat-tmiem tal-istadju tal-iskart (end of waste status) u tal-kriterji tal-kwalità għall-materjali riċiklati, filwaqt li f’dan ir-rigward jikkunsidraw il-ħidma li qed tagħmel bħalissa l-Kummissjoni Ewropea fuq il-kriterji tat-tmiem tal-istadju tal-iskart. Il-KtR jitlob ukoll li tingħata attenzjoni partikolari lill-oġġetti li fihom materja prima li l-provvista tagħha qiegħda dejjem tonqos, speċjalment l-elementi rari tal-art;

72.

jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jadottaw programmi ambizzjużi għall-prevenzjoni tal-iskart, hekk kif jesiġi l-Artikolu 29 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, li jinkludu punti ta’ referenza kwantitattivi ċari għall-miżuri ta’ prevenzjoni tal-iskart (9);

73.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippromovi b’mod partikolari l-prevenzjoni tal-bijoskart u t-tnaqqis tal-iskart tal-ikel u tkompli tappoġġja l-Ġimgħa Ewropea tal-Prevenzjoni tal-Iskart, li kienet ta’ suċċess f’bosta reġjuni u bliet;

74.

jenfasizza r-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tas-swieq tar-riċiklaġġ u tal-użu mill-ġdid. F’dan ir-rigward, il-Kumitat tar-Reġjuni jtenni l-istedina tiegħu li d-Direttiva dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) tinkludi għanijiet speċifiċi u preċiżi dwar l-użu mill-ġdid tal-iskart elettroniku, filwaqt li tiżgura li l-prinċipju tar-responsabbiltà tal-produttur jiġi żviluppat bis-sħiħ fil-leġislazzjoni;

75.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom possibbiltà kbira biex jippromovu r-riċiklaġġ b’mod li jmur lil hinn mill-għanijiet attwali tal-Unjoni Ewropea. Ħafna mill-bliet u reġjuni avvanzati diġà qabżu, u bil-kbir, l-għanijiet minimi Ewropej relatati mar-riċiklaġġ u s-soluzzjonijiet biex l-iskart ma jibqax jindifen fil-miżbliet, u bħalissa qed jimmiraw li ma jintbagħat l-ebda skart fil-miżbliet jew għall-inċinerazzjoni u li jkollhom livelli għoljin ta’ riċiklaġġ tal-iskart domestiku. F’dan il-kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni jista’ biss iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jissoktaw bl-inkoraġġiment tal-introduzzjoni ta’ strumenti maħsuba biex jippromovu r-riċiklaġġ li jkunu użati minn bliet u reġjuni bi prestazzjoni tajba, b’mod partikolari fl-inqas reġjuni avvanzati f’dan il-qasam;

76.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea taċċellera l-evalwazzjoni, imposta mid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, tal-vantaġġi tal-introduzzjoni ta’ għanijiet Ewropej vinkolanti dwar il-prevenzjoni tal-iskart, kif ukoll tal-fatt li jissaħħaħ l-għan vinkolanti attwali dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart urban solidu. Din it-tieni miżura jista’ jkollha l-effett li jinħolqu 500 000 impjieg ġdid fl-Ewropa (10);

Użu effiċjenti tal-materja prima (minerali, foresti u bijomassa)

77.

jilqa’ l-inklużjoni tal-użu effiċjenti tar-riżorsi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ppubblikata fil-qafas tal-inizjattiva ewlenija “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza” u intitolata “Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima” (11);

78.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jippromovu aktar is-sostituzzjoni u l-użu effiċjenti tar-riżorsi matul il-katina tal-valur tal-materja prima. Dan ikopri t-tiftix, l-estrazzjoni, l-ipproċessar, ir-riċiklaġġ, l-ekodisinn, l-ekoloġija industrijali u l-produzzjoni b’użu effiċjenti tar-riżorsi;

79.

jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex, bil-għajnuna tal-appoġġ kontinwu tal-Kummissjoni Ewropea, jiddefinixxu l-politiki sostenibbli tagħhom li jużaw ir-riżorsi minerali b’mod effiċjenti, jiżviluppaw politika tal-ġestjoni tat-territorju fir-rigward tal-minerali, u jistabbilixxu proċedura ċara għall-awtorizzazzjoni tal-estrazzjoni mill-minjieri;

80.

jilqa’ l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-estrazzjoni mhux tal-enerġija mill-minjieri u r-rekwiżiti tan-Natura 2000 (12) u jappella biex fil-futur jiġi adottat approċċ integrat għal dawn il-kwistjonijiet;

81.

jieħu nota tal-fatt li l-Kunsill stieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi miżuri biex jiġu indirizzati l-problemi tal-provvista tal-materja prima għall-industriji li tkun ġejja mill-forestrija u mis-settur tal-enerġiji rinnovabbli;

82.

jitlob li tiġi adottata sistema ta’ ċertifikazzjoni obbligatorja fl-Unjoni Ewropea kollha kif ukoll inċentivi biex tintuża l-bijomassa għall-enerġija u l-injam li jkun ġej minn foresti mmaniġġjati b’mod sostenibbli. Il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ta’ ġestjoni li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan ir-rigward;

83.

itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tippreżenta proposti għal kriterji vinkolanti minimi ta’ sostenibbiltà għall-użu ta’ sorsi solidi u gassużi ta’ bijomassa fl-oqsma tal-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ (13);

Bijodiversità, servizzi tal-ekosistemi u użu tal-ħamrija

84.

jisħaq li l-użu, il-ħarsien u r-riġenerazzjoni effiċjenti tas-servizzi tal-ekosistemi, hekk kif iddefinixxewhom l-Istati Membri fil-qafas tal-għan il-ġdid tal-bijodiversità għall-2020, u ppreżentati fid-dokument bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020” (14), huma essenzjali sabiex ir-riżorsi jintużaw b’mod effiċjenti;

85.

jifraħ bl-appoġġ li l-“Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-bijodiversità sal-2020” tagħti biex isir progress fil-ħidma għall-għoti ta’ valur lill-bijodiversità, inkluż il-valur ekonomiku tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistemi, biex l-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-Fondi Strutturali jiġu inkoraġġuti jinvestu fil-kapital naturali bħala wirt għall-ġenerazzjonijiet futuri u sors ta’ żvilupp ekonomiku, biex jiġi promoss l-appoġġ li l-PAK tagħti lill-bijodiversità, biex tiġi stabbilita sottomira rigward ir-riġenerazzjoni tal-ekosistemi, u biex jiġi promoss il-ħolqien ta’ “infrastruttura ekoloġika”;

86.

jiddispjaċih li, għall-kuntrarju ta’ dak li rrakkomanda hu qabel, ir-rwol ewlieni li ser jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-suċċess ta’ din l-istrateġija mhux rikonoxxut biżżejjed;

87.

jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jniedu proġetti pilota lokali u reġjonali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, speċjalment proġetti pilota dwar l-ekonomija tal-ekosistemi u l-bijodiversità (TEEB) li jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrumenti definiti fir-rapport internazzjonali bit-titolu “TEEB Report for Local and Regional Policy Makers” (Rapport dwar it-TEEB għal dawk li jfasslu l-politiki fil-livell lokali u reġjonali) (15);

88.

jinnota li t-tnaqqis fil-ħabitats naturali u seminaturali, jiġifieri, fost oħrajn, tal-bwar, tal-artijiet mistgħadra, tax-xagħri u tal-mgħaddriet, li huma elementi kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għadu kawża kbira ta’ tħassib. Il-Kumitat tar-Reġjuni jinkoraġġixxi lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jibdew ifasslu programmi rilevanti għall-preservazzjoni u r-riġenerazzjoni ta’ dawn l-ekosistemi;

89.

huwa mħasseb dwar l-użu dejjem jikber tal-art għall-urbanizzazzjoni u għan-netwerks tat-trasport. Dan jagħmel il-ħamrija aktar impermeabbli, u b’hekk jiġi ffiltrat inqas ilma, jiżdiedu l-għargħar u r-riskji ta’ erożjoni, jiġu fframmentati l-ħabitats u l-popolazzjonijiet tal-annimali, jiħraxu l-effetti ta’ gżira ta’ sħana fil-bliet u, b’konsegwenza ta’ dan, tikber il-vulnerabbiltà tal-bliet għall-mewġiet ta’ sħana u għat-tibdil fil-klima;

90.

jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta’ sistemi integrati tal-ippjanar tal-użu tal-art u tal-ġestjoni tat-territorju kapaċi li jikkontribwixxu biex jitwettqu insedjamenti sostenibbli tal-popolazzjonijiet fil-bliet, biex jinħolqu sensiela ta’ inċentivi li jiffavorixxu l-użu mill-ġdid tal-artijiet abbandunati minflok l-użu taż-żoni ħodor u taż-żoni rurali, biex tiġi stabbilita bażi tad-data dwar iż-żoni abbandunati, u fl-aħħar nett, biex kull fejn ikun hemm bżonn titnaqqas il-ħamrija impermeabbli;

91.

jerġa’ jisħaq li strateġija tematika komuni għall-protezzjoni tal-ħamrija, inkluż l-għan li tiġi adottata direttiva qafas dwar il-ħamrija, għandha tibqa’ parti mill-politika ambjentali futura tal-Unjoni Ewropea;

Politika Agrikola Komuni, Politika Komuni tas-Sajd u politika ta’ koeżjoni li jkunu effiċjenti fl-użu tar-riżorsi

92.

huwa inkwetat dwar il-fatt li l-istimi tal-istokkijiet tal-ħut kummerċjali jaqbżu l-limiti bijoloġiċi ta’ sigurtà. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jtenni t-talba tiegħu li sal-2015 jiġi adottat l-għan tal-Ogħla Rendiment Sostenibbli bħala prinċipju gwida fundamentali tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) (16) tal-ġejjieni;

93.

jappoġġja l-approċċ li tirrakkomanda l-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa 2020” (17);

94.

jappella b’mod partikolari biex jiżdied il-kontribut tal-Fondi Strutturali għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva ewlenija, u jistieden lill-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-Fondi Strutturali biex jinvestu aktar f’ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, fis-servizzi tal-ekosistemi u l-bijodiversità kif ukoll fl-innovazzjoni ekoloġika;

95.

jappoġġja wkoll li jsiru l-aħjar investimenti possibbli fl-użu effiċjenti tar-riżorsi;

96.

jemmen bil-qawwi li żvilupp intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-UE u lil hinn jista’ jinkiseb billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jservu ta’ xprun għall-bidla u l-iżvilupp soċjoekonomiku.

Brussell, 11 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 25/2009 fin, CdR 73/2011 fin.

(2)  CdR 73/2011 fin.

(3)  CdR 73/2011 fin, CdR 25/2009 fin.

(4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent ta’ Diċembru 2010.

(5)  CdR 5/2011.

(6)  COM(2011) 109 finali.

(7)  COM(2011) 112 finali.

(8)  L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2009/125/KE.

(9)  CdR 47/2006 fin.

(10)  CEE Bankwatch 2011, BEE & FoEE 2011.

(11)  COM(2011) 25 finali.

(12)  EC guidance on undertaking non-energy extractive activities in accordance with Natura 2000 requirements (Linji gwida dwar l-estrazzjoni mhux tal-enerġija mill-minjieri b’konformità mar-rekwiżiti tan-Natura 2000), http://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/neei_n2000_guidance.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  CdR 312/2010 fin.

(14)  COM(2011) 244 finali.

(15)  http://www.teebweb.org.

(16)  CdR 218/2009 fin.

(17)  COM(2011) 17 finali.


11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/45


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali” (opinjoni riveduta)

2012/C 9/09

IL-KUMTAT TAR-REĠJUNI

bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni Ewropea taqbel mal-proposta tal-Kumitat tar-Reġjuni li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn: 1) is-sitwazzjonijiet fejn il-kumpens għal servizz pubbliku de minimis ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u b’hekk ma jistax ikun soġġett għall-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat; 2) il-kumpensi li jingħataw għal servizzi pubbliċi b’dimensjoni lokali u soċjali ogħla mil-livell limitu de minimis iżda li, minħabba kif inhuma organizzati u l-qagħda attwali ta’ żvilupp tas-suq intern, ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni; 3) il-kumpensi li jingħataw għas-servizzi pubbliċi l-oħrajn b’dimensjoni Ewropea jew transkonfinali, li huma rregolati permezz ta’ direttivi jew regolamenti settorjali;

jerġa’ jitlob li l-livell limitu jiżdied għal EUR 800 000 fis-sena;

jitlob lill-Kummissjoni tieqaf milli tintroduċi l-kriterju tal-popolazzjoni tal-awtorità lokali fil-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ġdid de minimis;

huwa kontra li l-Kummissjoni tintroduċi valutazzjoni tal-effiċjenza ekonomika tal-kumpensi għas-Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (SIEĠ); fil-fehma tal-KtR, la l-Artikolu 106 u lanqas deċiżjoni jew direttiva unilaterali tal-Kummissjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu ma jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti għal inizjattiva leġislattiva bħal din. Il-mandat tal-Kummissjoni, bħala awtorità Ewropea tal-kompetizzjoni, bl-ebda mod ma jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri.

Relatur ġenerali

Is-Sur Karl-Heinz LAMBERTZ (BE/PSE), Ministru President tal-Komunità tal-lingwa Ġermaniża tal-Belġju

Dokumenti ta’ referenza

Proposta għal Komunikazzjoni dwar l-applikaazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għall-kumpensi mogħtija għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ)

Proposta għal Regolament dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil intrapriżi li jipprovdu Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali

Proposta għal Komunikazzjoni dwar Qafas tal-UE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku (2011)

Proposta għal Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens tas-servizz pubbliku mogħti lil ċerti intrapriżi responsabbli għall-ġestjoni tas-SIEĠ (mhux disponibbli bil-Malti)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali

COM(2011) 146 finali

Opinjoni riveduta tal-Kumitat tar-Reġjuni b’rabta mad-dokument CdR 150/2011 fin, b’konformità mal-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura – ECOS-V-016

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

1.

bi pjaċir jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal pakkett leġislattiv dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku;

2.

iqis li din il-proposta għal reviżjoni tirrappreżenta inizjattiva politika importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali għax l-għan tagħha huwa li tiddefinixxi regoli ġodda, ċari u proporzjonati dwar il-konformità tal-metodi ta’ finanzjament tas-servizzi pubbliċi mas-suq intern u għalhekk iġġib magħha s-sigurtà u l-prevedibbiltà legali meħtieġa sabiex jiġu żviluppati s-servizzi pubbliċi fl-Unjoni; però jiddispjaċih li l-Kummissjoni mhux qed jirnexxilha tilħaq l-għan, stabbilit minnha stess, li tiċċara l-kwistjonijiet ta’ applikabilità u ta’ applikazzjoni u li tnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv b’mod speċjali għall-partijiet interessati;

3.

huwa tal-fehma li l-istruttura ġenerali tal-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat proposta mill-Kummissjoni Ewropea għandha tqis aħjar id-dimensjoni lokali, transkonfinali jew Ewropea tas-servizzi pubbliċi, id-diversi modi organizzattivi tagħhom u l-livell effettiv ta’ riskju li jintlaqat il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni; fil-fatt, dawn l-aspetti huma biss parzjalment riflessi fil-proposti;

4.

bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni Ewropea taqbel mal-proposta tal-Kumitat tar-Reġjuni (1) 1) li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn: 1) is-sitwazzjonijiet fejn il-kumpens għal servizz pubbliku de minimis ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u b’hekk ma jistax ikun soġġett għall-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat; 2) il-kumpensi li jingħataw għal servizzi pubbliċi b’dimensjoni lokali u soċjali ogħla mil-livell limitu de minimis iżda li, minħabba kif inhuma organizzati u l-qagħda attwali ta’ żvilupp tas-suq intern, ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni; 3) il-kumpensi li jingħataw għas-servizzi pubbliċi l-oħrajn b’dimensjoni Ewropea jew transkonfinali, li huma rregolati permezz ta’ direttivi jew regolamenti settorjali jew li għandhom struttura ta’ intrapriżi kummerċjali inkarigati fil-livell transkonfinali jew internazzjonali;

Proposta għal Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat għall-kumpensi mogħtija għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali

5.

bi pjaċir jilqa’ l-proposta għal Komunikazzjoni li tiċċara u taġġorna sensiela ta’ ideat u kunċetti differenti tal-liġi tal-Unjoni applikabbli għas-SIEĠ, b’mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; madankollu jiddispjaċih li l-Kummissjoni, lil hinn mill-indikazzjonijiet tal-Qorti, naqset milli tistabbilixxi kriterji ċari biex tiddefinixxi l-attività ekonomika, id-dimensjoni lokali u r-rilevanza għas-suq uniku, u b’hekk qed tagħti lilha nnifisha marġni wiesgħa ta’ interpretazzjoni hija u twettaq il-kontrolli u qed tħalli jippersisti ambjent ta’ inċertezza legali;

6.

f’dan ir-rigward jenfasizza li l-Artikolu 14 tat-TFUE, li jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali tat-Trattat, jipprovdi bażi legali ġdida lill-Parlament u lill-Kunsill biex, permezz ta’ regolamenti, jistabbilixxu l-prinċipji u l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom is-SIEĠ ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti partikolari tagħhom. Jitlob għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tifformalizza l-kjarifika tal-kunċetti prinċipali, li mhumiex definiti mit-Trattat, permezz ta’ proposta għal Regolament tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew ibbażata fuq l-Artikolu 14 tat-TFUE;

7.

iqis li din il-proposta għal Komunikazzjoni ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-impenn tagħha li tippreżenta qafas ta’ kwalità għas-servizzi ta’ interess ġenerali;

Proposta għal Regolament dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil intrapriżi li jipprovdu Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali

8.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tgħolli l-livell limitu tar-Regolament de minimis  (2) li permezz tagħha l-għajnuna pubblika ma terġax taqa’ taħt il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, b’tali mod li jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni s-servizzi pubbliċi kollha, partikularment fil-qasam tal-iżvilupp soċjali lokali, bħall-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-esklużjoni, l-għajnuna lill-anzjani, l-animazzjoni lokali, l-iżvilupp ta’ attivitajiet kulturali, sportivi jew soċjali u edukattivi li jiddependu l-iktar fuq in-nisġa assoċjattiva lokali u fuq il-mikrointrapriżi soċjali tal-post. Din il-proposta ssejset fuq il-prinċipju li m’hemmx riskju li dan it-tip ta’ servizzi pubbliċi ser jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri;

9.

madankollu, jiddispjaċih li l-Kummissjoni qed tillimita lilha nnifisha li tipproponi żieda fil-livell limitu minn EUR 200 000 għal tliet snin għal EUR 150 000 fis-sena, għaliex dan jippermetti li jiġu koperti biss l-istrutturi li jfornu s-servizzi lokali b’inqas minn 4 impjegati; għalhekk jerġa’ jitlob li l-livell limitu jiżdied għal EUR 800 000 fis-sena, b’tali mod li jkunu jistgħu jiġu koperti l-istrutturi lokali kollha b’inqas minn 20 impjegat, li l-uniċi riżorsi disponibbli tagħhom huma l-kumpensi mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi, b’kundizzjoni li s-servizzi lokali jingħataw b’xejn f’territorju speċifikat;

10.

jitlob lill-Kummissjoni tieqaf milli tintroduċi l-kriterju tal-popolazzjoni tal-awtorità lokali fil-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ġdid de minimis. Fil-fatt, il-popolazzjoni mhijiex fattur determinanti biex jitkejjel l-impatt tal-attività ekonomika tal-awtorità konċernata fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, m’għandniex nibbażaw fuq raġunament li jista’ jwassal għal diskriminazzjoni bejn l-entitajiet (muniċipalitajiet, reġjuni, Stati …). L-uniku kriterju tal-popolazzjoni lanqas iqis il-fatt li dawn is-servizzi lokali jistgħu jkunu kofinanzjati minn bosta awtoritajiet pubbliċi b’daqsijiet u livelli differenti b’konformità mal-prinċipji tal-libertà tal-organizzazzjoni u l-forniment tas-servizzi pubbliċi stabbiliti mit-Trattat. Fl-aħħar nett, m’għandux jiġi penalizzat it-tgħaqqid tas-servizzi, b’mod partikolari dawk li jingħataw fil-qafas interkomunali. B’hekk, il-verifika tan-natura lokali u ċirkoskritta għandha tistrieħ fuq sensiela ta’ indiċi li jqisu b’mod partikolari s-sitwazzjoni ġeografika tal-awtorità konċernata u l-firxa tal-utenti potenzjali tas-servizzi pubbliċi inkwistjoni. Din il-verika trid tqis, fl-ispirtu tal-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-qagħda tar-reġjuni li għandhom żvantaġġi naturali u demografiċi serji u permanenti, sabiex tiġi prevista distinzjoni bejn l-interventi ta’ għajnuna differenti. Il-limitu ta’ EUR 5 miljun fir-rigward tal-fatturat għandu jitneħħa;

11.

jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni tieħu t-trasparenza b’serjetà kbira u teskludi kull għajnuna mhux trasparenti u li ma tistax tiġi kalkulata preċiżament mill-ambitu tal-applikazzjoni tar-regolament tagħha;

Proposta għal Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens tas-servizz pubbliku li jingħata lil ċerti intrapriżi responsabbli għall-ġestjoni tas-SIEĠ

12.

b’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità tat-Trattat, jappoġġja l-metodu tal-Kummissjoni li tqis in-natura purament lokali ta’ ċerti servizzi pubbliċi, kif ukoll il-proposta li d-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà a priori tiġi estiża anke għal servizzi soċjali oħra apparti l-isptarijiet u l-entitajiet tad-djar soċjali;

13.

jikkunsidra li l-introduzzjoni ta’ dan il-kunċett ġdid ta’ “bżonnijiet soċjali essenzjali” hija sors ta’ konfużjoni kbira għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għall-imsieħba tagħhom, peress li tkopri parzjalment il-kunċetti diġà eżistenti tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali u s-servizzi soċjali esklużi mill-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva dwar is-Servizzi; jappella għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tagħti preferenza lill-kunċett ta’ servizzi soċjali fis-sens tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva dwar is-Servizzi li jħalli f’idejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiddefinixxu l-limiti b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, u sabiex tiċċara li l-lista ta’ eżempji ta’ servizzi mogħtija fil-proposta għal deċiżjoni relatata mal-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea la hi definittiva u lanqas eżawrjenti;

14.

jitlob lill-Kummissjoni tieqaf milli tnaqqas bin-nofs il-livell limitu tal-kumpens annwali sabiex tiġi applikata din id-deċiżjoni, iżda żżommu għal EUR 30 miljun fis-sena;

15.

jitlob lill-Kummissjoni biex ma tagħmilx kundizzjonijiet għall-eżenzjoni tan-notifika għal perjodu massimu tal-att ta’ delega, b’konformità mal-prinċipji tal-amministrazzjoni ħielsa u tal-organizzazzjoni libera tas-servizzi pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri;

16.

jitlob lill-Kummissjoni biex ma tagħmilx kundizzjonijiet għall-eżenzjoni tan-notifika għas-servizzi soċjali li jiddependu fuq li dawn is-servizzi jitwettqu esklużivament mill-intrapriżi inkarigati b’dan il-mandat, sakemm id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi (ara r-referenzi) jiġu applikati u li l-kompatibbiltà analitika tiġi implimentata mill-intrapriżi konċernati;

17.

iqis li, meta l-awtoritajiet territorjali jniedu sejħa għall-offerti biex jikkonformaw mar-raba’ kriterju tal-kawża Altmark għall-kwalifika tal-kumpens għas-servizz pubbliku, huma għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu kriterji ta’ kwalità biex jiddeterminaw l-offerta l-iktar vantaġġuża mil-lat ekonomiku iktar milli jirrikorru għall-kriterju tal-aħjar prezz;

18.

iħoss li d-definizzjoni l-ġdida proposta għall-“profitt raġonevoli” fuq il-bażi tar-rata tar-redditu fuq il-kapital u indikaturi oħra tal-profitt hija tant kumplessa li mhux ser tkun utli għal numru kbir ta’ awtoritajiet sottonazzjonali;

19.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fil-proposti finali tagħha ta’ reviżjoni, tqis il-forom kollha li jista’ jieħu l-kumpens għal servizz pubbliku, waqt li jitqies il-poter diskrezzjonarju wiesa’ li għandhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiffinanzjaw is-servizzi pubbliċi, inklużi l-kumpensi f’forma ta’ għajnuna għall-investiment fit-tul meħtieġ għall-finanzjament tal-infrastruttura lokali ta’ servizz pubbliku; jitlob lill-Kummissjoni wkoll biex ma tillimitax ir-riflessjoni tagħha rigward il-kompatibbiltà għas-sussidji annwali operattivi biss, u li tispeċifika l-kundizzjonijiet speċifiċi li jippermettu li jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ kumpens żejjed f’każ ta’ għajnuna għall-investiment fit-tul, b’mod partikolari għall-infrastruttura tal-bini u l-art;

20.

ifakkar lill-Kummissjoni li għandha tqis kriterji oġġettivi oħrajn li jinnewtralizzaw minn qabel ir-riskju ta’ impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jew ta’ sussidjar reċiproku, bħall-kompetenza territorjali limitata ta’ ċerti operaturi regolati permezz ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni lokali u reġjonali, l-iskop limitat ta’ ċerti operaturi, pubbliċi jew privati, li nħolqu speċifikament biex jipprovdu servizz pubbliku partikolari f’territorju partikolari u li ma jwettqu l-ebda attività kummerċjali fis-suq, in-natura mingħajr skop ta’ qligħ ta’ ċerti intrapriżi soċjali li jerġgħu jinvestu l-profitti eventwali tagħhom biex jiffinanzjaw is-servizz pubbliku li huma inkarigati minnu, bi tnaqqis tal-kumpens futur;

21.

jipproponi li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tat-Trattat, id-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni tinkariga lill-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu l-kumpensi sabiex jieħdu l-miżuri utli kollha maħsuba biex jimpedixxu, jikkontrollaw u jinnewtralizzaw kull sitwazzjoni ta’ kumpens żejjed eventwali, waqt li jitqies il-fatt li huwa fl-interess dirett tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jimpedixxu kull sitwazzjoni ta’ kumpens żejjed eventwali. Min-naħa l-oħra, il-proċeduri ta’ appell disponibbli f’każ ta’ kumpens żejjed ippruvat għandhom jiġu ssemplifikati għall-intrapriżi li jkunu penalizzati b’mod effettiv u dirett;

22.

jipproponi lill-Kummissjoni li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet issir bil-kundizzjoni li:

jeżisti “kuntratt ta’ servizz pubbliku” (3), jiġifieri kull dokument uffiċjali: 1) li jagħraf li l-kompitu mwettaq mill-operatur huwa wieħed ta’ interess ġenerali u li dan il-kompitu jaqa’ taħt l-ambitu tal-Artikoli 14 u 106(2) tat-TFUE u tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 26; 2) li jispeċifika n-natura tal-obbligi partikolari relatati ma’ dan kif ukoll it-territorju kkonċernat; u 3) li jistabbilixxi l-parametri biex jiġi kkalkolat il-kumpens mogħti għal servizz pubbliku;

u li dan “il-kuntratt ta’ servizz pubbliku” jiġi ppubblikat fil-ĠU tal-UE f’reġistru speċifiku li jinħoloq għal dan l-għan.

Proposta għal Komunikazzjoni dwar Qafas tal-UE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku (2011)

23.

ifakkar li huwa kontra li l-Kummissjoni tintroduċi valutazzjoni tal-effiċjenza ekonomika tal-kumpensi għas-SIEĠ; fil-fehma tal-KtR, la l-Artikolu 106 u lanqas deċiżjoni jew direttiva unilaterali tal-Kummissjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu ma jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti għal inizjattiva leġislattiva bħal din. Il-mandat tal-Kummissjoni, bħala awtorità Ewropea tal-kompetizzjoni, bl-ebda mod ma jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri. Dan il-mandat esklużiv, eżerċitat taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, għandu biss l-għan li jiżgura l-konformità tal-kumpens għas-servizz pubbliku li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti fil-kawża Altmark u li b’hekk jaqa’ taħt ir-regoli ta’ projbizzjoni u ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat;

24.

huwa kontra l-idea li l-Istati Membri jippreżentaw studju tas-suq biex jagħtu xhieda tal-ħtieġa ta’ servizz pubbliku, u jqis li din l-idea tmur kontra d-dritt sovran tal-Istati Membri li jorganizzaw u jiġġestixxu s-servizzi ta’ interess ġenerali.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Proposta għal Regolament dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil intrapriżi li jipprovdu Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali

Emenda 1

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

(4)

Fid-dawl tal-esperjenza tal-Kummissjoni, kumpens għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għandu jitqies li ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew ma joħloqx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni sakemm dan ikun mogħti minn awtorità lokali li tirrappreżenta popolazzjoni ta’ inqas minn 10 000 abitant, sakemm minnu tibbenefika intrapriża li kellha fatturat annwali ta’ inqas minn EUR 5 miljun matul is-sentejn preċedenti u sakemm l-ammont totali tal-kumpens għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li tirċievi l-intrapriża benefiċjarja ma jeċċedix il-EUR 150 000 kull sena fiskali.

(4)

Fid-dawl tal-esperjenza tal-Kummissjoni, kumpens għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għandu jitqies li ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri u/jew ma joħloqx distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni sakemm dan ikun mogħti minn awtorità u sakemm l-ammont totali tal-kumpens għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li tirċievi l-intrapriża benefiċjarja ma jeċċedix il-EUR kull sena fiskali.

Raġuni

Ara l-punti 9 u 10 tal-opinjoni.

Emenda 2

Premessa 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiżgura li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu rispettati u b’mod partikolari li l-għajnuna li tingħata skont ir-regoli de minimis tkun skont il-kundizzjonijiet tagħhom. Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 4(3) tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dan il-kompitu billi jistabbilixxu l-għodod meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-istess intrapriża għall-forniment tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jkunx jaqbeż il-limitu ta’ EUR 150 000. (…).

Il-Kummissjoni għandha d-dmir li tiżgura li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ikunu rispettati u b’mod partikolari li l-għajnuna li tingħata skont ir-regoli de minimis tkun skont il-kundizzjonijiet tagħhom. Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 4(3) tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dan il-kompitu billi jistabbilixxu l-għodod meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-istess intrapriża għall-forniment tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jkunx jaqbeż il-limitu ta’ EUR . (…).

Raġuni

Ara l-punt 9 tal-opinjoni.

Emenda 3

Artikolu 1 (2) – Kamp ta’ applikazzjoni

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.   Dan ir-Regolament japplika biss għal għajnuna mogħtija minn awtoritajiet lokali li jirrappreżentaw popolazzjoni ta’ inqas minn 10 000 abitant.

2.   Dan ir-Regolament japplika biss għal għajnuna mogħtija minn awtoritajiet .

Raġuni

Ara l-punt 10 tal-opinjoni.

Emenda 4

Artikolu 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.

L-għajnuna tista’ tibbenefika minn dan ir-Regolament biss jekk (i) l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija lil intrapriża li tipprovdi servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jeċċedix il-EUR 150 000 għal kull sena fiskali, u (ii) jekk din l-intrapriża jkollha fatturat medju annwali qabel it-taxxa, l-attivitajiet kollha inklużi, ta’ inqas minn EUR 5 miljun matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel ingħatat l-għajnuna.

2.

L-għajnuna tista’ tibbenefika minn dan ir-Regolament biss jekk (i) l-ammont totali tal-għajnuna mogħtija lil intrapriża li tipprovdi servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jeċċedix il-EUR  għal kull sena fiskali, u (ii) jekk din l-intrapriża jkollha fatturat medju annwali qabel it-taxxa, l-attivitajiet kollha inklużi, ta’ inqas minn EUR 5 miljun matul is-sentejn finanzjarji ta’ qabel ingħatat l-għajnuna

Raġuni

Ara l-punt 9 tal-opinjoni.

Proposta għal Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens tas-servizz pubbliku li jingħata lil ċerti intrapriżi responsabbli għall-ġestjoni tas-SIEĠ

Emenda 5

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Sakemm jiġu sodisfati għadd ta’ kundizzjonijiet, ammonti żgħar ta’ kumpens li jingħataw lill-impriżi inkarigati mill-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jaffettwawx l-iżvilupp tal-kummerċ u l-kompetizzjoni b’tali mod li jmur kontra l-interessi tal-Unjoni. In-notifika individwali tal-għajnuna mill-Istat għalhekk m’għandhiex tkun mitluba għal kumpens inqas mill-ammont annwali ta’ kumens ta’ EUR 15-il miljun, sakemm jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni.

Sakemm jiġu sodisfati għadd ta’ kundizzjonijiet, ammonti żgħar ta’ kumpens li jingħataw lill-impriżi inkarigati mill-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jaffettwawx l-iżvilupp tal-kummerċ u l-kompetizzjoni b’tali mod li jmur kontra l-interessi tal-Unjoni. In-notifika individwali tal-għajnuna mill-Istat għalhekk m’għandhiex tkun mitluba għal kumpens inqas mill-ammont annwali ta’ kumens ta’ EUR miljun, sakemm jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ din id-Deċiżjoni.

Raġuni

Ara l-punt 12 tal-opinjoni.

Emenda 6

Premessa 17 (mhux disponibbli bil-Malti)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Profitt raġonevoli għandu jiġi ddeterminat bħala rata ta’ redditu fuq il-kapital li tikkunsidra l-grad ta’ riskju, jew tan-nuqqas ta’ riskju, involut. Profitt li ma jaqbiżx ir-rata rilevanti ta’ tpartit8 u 100 punt bażi magħdudin magħha m’għandux jiġi kkunsidrat bħala mhux raġonevoli. F’dan il-kuntest, ir-rata rilevanti ta’ tpartit hija kkunsidrata bħala rata ta’ redditu xierqa għal investiment ħieles mir-riskju. Il-primjum ta’ 100 punt bażi jservi, inter alia, biex jikkumpensa għar-riskju ta’ likwidità relatat mal-fatt li fornitur ta’ SIEĠ li jinvesti kapital f’kuntratt ta’ SIEĠ jimpenja dan il-kapital għall-perjodu tal-att ta’ inkargu u ma jkunx jista’ jbiegħ is-sehem tiegħu malajr u b’irħis bħal fil-każ ta’ ass miżmum b’mod ġenerali u ħieles mir-riskju tal-likwidità.

Raġuni

Ara l-emenda relatata mal-punt ġdid 15a). Referenza: Premessa 17 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Emenda 7

Artikolu 1, punt 1a)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

a)

il-kumpens għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġeneral għal ammont annwali li jkun inqas minn EUR 15-il miljun. Fejn l-ammont tal-kumpens ivarja tul il-perjodu tal-mandat, il-limitu jista’ jiġi kkalkulat skont il-medja tal-ammonti annwali differenti tal-kumpens;

a)

il-kumpens għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġeneral għal ammont annwali li jkun inqas minn EUR miljun. Fejn l-ammont tal-kumpens ivarja tul il-perjodu tal-mandat, il-limitu jista’ jiġi kkalkulat skont il-medja tal-ammonti annwali differenti tal-kumpens;

Raġuni

Ara l-punt 12 tal-opinjoni.

Emenda 8

Artikolu 1(c) (mhux disponibbli bil-Malti)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

kumpens għall-forniment ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jissodisfaw ħtiġijiet soċjali essenzjali fir-rigward tal-kura tas-saħħa, l-indukrar tat-tfal, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-akkomodazzjoni soċjali, u l-kura u l-inklużjoni tal-gruppi vulnerabbli. Dan il-punt japplika biss fejn il-kumpens jingħata lill-impriżi li l-attivitajiet tagħhom huma limitati għal servizz wieħed jew aktar imsemmija f’dan il-paragrafu jew fil-paragrafu (b). It-twettiq ta’ attivitajiet anċillari relatati mal-attivitajiet ewlenin madankollu ma jxekkilx l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

kumpens għall-forniment ta’ servizzi fir-rigward tal-kura tas-saħħa, l-indukrar tat-tfal, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-akkomodazzjoni soċjali, u l-kura u l-inklużjoni tal-gruppi vulnerabbli. Dan il-punt japplika biss fejn il-kumpens jingħata lill-impriżi li l-attivitajiet tagħhom huma limitati għal servizz wieħed jew aktar imsemmija f’dan il-paragrafu jew fil-paragrafu (b). It-twettiq ta’ attivitajiet anċillari relatati mal-attivitajiet ewlenin madankollu ma jxekkilx l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

Raġuni

Ara l-emenda relatata mal-punt 11a). Referenza: Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Emenda 9

Artikolu 1(2)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

2.   Din id-Deċiżjoni tapplika biss fejn il-perjodu tal-mandat tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali huwa limitat għal massimu ta’ 10 snin. L-atti ta’ mandat li jestendu tul perjodi itwal jiġu koperti biss minn din id-Deċiżjoni fejn ikun meħtieg investiment konsiderevoli mill-fornitur tas-servizz li jrid jiġi ammortizzat tul il-perjodu sħiħ tal-mandat b’konformità mal-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati. Jekk tul il-perjodu tal-mandat il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ma jibqgħux jintlaħqu, il-miżura trid tiġi tiġi notifikata b’konformità mal-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

   

Raġuni

Ara l-punt 13 tal-opinjoni.

Emenda 10

Artikolu 4(6) (mhux disponibbli bil-Malti)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni, rata ta’ redditu fuq il-kapital li ma taqbiżx ir-rata rilevanti ta’ tpartit flimkien ma’ primjum ta’ 100 punt bażi għandha tkun ikkunsidrata bħala raġonevoli fi kwalunkwe każ. Ir-rata rilevanti ta’ tpartit għandha tkun ir-rata ta’ tpartit li l-maturità u l-munita tagħha jikkorrispondu għall-perjodu u l-munita tal-att ta’ inkarigu. Fejn il-forniment tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ma jkunx marbut ma’ riskju kummerċjali jew kuntrattwali sostanzjali, b’mod partikolari meta l-ispiża netta involuta sabiex jiġi provdut is-servizz ta’ interess ġenerali ekonomiku hija essenzjalment ikkumpensata ex post bi sħiħ, il-profitt raġonevoli ma jistax jaqbeż ir-rata rilevanti ta’ tpartit flimkien ma’ primjum ta’ 100 punt bażi.

Raġuni

Ara l-emenda relatata mal-punt ġdid 15a). Referenza: Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Emenda 11

Artikolu 4(7) (mhux disponibbli bil-Malti)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

F’każ li ma jkunx vijabbli li tintuża r-rata tar-redditu fuq il-kapital, l-Istati Membri jistgħu jserrħu fuq indikaturi tal-livell tal-profitt apparti dik tar-rata tar-redditu fuq il-kapital sabiex jiddeterminaw liema għandu jkun il-profitt raġonevoli, bħall-kejl tal-kontabbiltà tal-profitt (pereżempju r-redditu medju fuq l-ishma (ROE), ir-redditu fuq il-kapital imħaddem (ROCE), ir-redditu fuq l-assi (ROA) jew ir-redditu fuq il-bejgħ (ROS)). Ikun xi jkun l-indikatur, l-Istat Membru għandu jkun kapaċi jipprovdi lill-Kummissjoni, meta din titolbu, bi provi li l-profitt ma jkunx jaqbiżx dak li tkun teħtieġ impriża medja li tkun qed tikkunsidra jekk tipprovdix is-servizz jew le, pereżempju billi jipprovdi referenzi għal redditi miksubin minn fuq tipi simili ta’ kuntratti mogħtijin b’kundizzjonijiet kompetittivi.

Ikun xi jkun l-indikatur, l-Istat Membru għandu jkun kapaċi jipprovdi lill-Kummissjoni, meta din titolbu, bi provi li l-profitt ma jkunx jaqbiżx dak li tkun teħtieġ impriża medja li tkun qed tikkunsidra jekk tipprovdix is-servizz jew le, pereżempju billi jipprovdi referenzi għal redditi miksubin minn fuq tipi simili ta’ kuntratti mogħtijin b’kundizzjonijiet kompetittivi.

Raġuni

Ara l-emenda relatata mal-punt ġdid 15a). Referenza: Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Brussell, 11 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Ara CdR 150/2011, punt 44.

(2)  Regolament (KE) Nru 1998/2006 tal-Kummissjoni, 15.12.2006“għajnuna de minimis”. (Mhux disponibbli bil-Malti.).

(3)  Skont it-tifsira tar-Regolament KE Nru 1370/2007 msemmi hawn fuq.


11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/53


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020”

2012/C 9/10

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jiġbed l-attenzjoni għall-impenn sod tiegħu għall-proposta li tistabbilixxi “Patt Territorjali tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali dwar l-Istrateġija Ewropa 2020”, biex jiżgura pussess f'diversi livelli tal-istrateġija permezz ta’ sħubija effettiva bejn il-korpi rilevanti tal-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali. Din il-proposta hija appoġġjata mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew. Il-Patti Territorjali għandhom jiffukaw fuq ftit prijoritajiet adattati, b'valur speċjali għar-reġjun ikkonċernat;

jirrikonoxxi d-distakk enormi bejn l-għarfien l-aktar reċenti dwar ir-riċerka u l-prattika fil-ħajja reali. Hemm bżonn ta’ miżuri reġjonali b'saħħithom sabiex ir-riżultati ta’ riċerka jissarfu f'innovazzjoni li hija adatta għal-lokal u li tista' tiġi applikata fl-Ewropa kollha;

jenfasizza l-importanza li tinħoloq kapaċità ta’ innovazzjoni fil-livell reġjonali fuq il-bażi tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-komplementaritajiet fir-reġjuni viċini;

jistieden lir-reġjuni pijunieri biex jiffurmaw konsorzji Ewropej li jintegraw il-kapaċitajiet differenti sabiex jinħolqu innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fil-livell tas-soċjetà li jistgħu jiġu applikati fl-Ewropa kollha. Permezz tad-diversi partijiet tiegħu, kull reġjun jista' jsir pijunier u jiffoka fuq il-bżonnijiet u s-saħħiet proprji tiegħu;

iħeġġeġ lir-reġjuni jimxu lejn l-innovazzjoni miftuħa, b'viżjoni ċentrata fuq is-sħubijiet bejn l-atturi tas-settur pubbliku u privat mal-universitajiet u istituzzjonijiet oħra tal-għarfien li għandhom rwol kruċjali, jiġifieri jiġi mmodernizzat l-kunċett tat-triple helix.

Relatur

Markku MARKKULA (FI/PPE), Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Kunsill tal-Belt ta’ Espoo, Membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Ħelsinki-Uusimaa

Dokument ta’ referenza

/

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Messaġġi prinċipali: rigward il-bżonn ta’ trasformazzjoni radikali fil-livell lokali u reġjonali, il-KtR:

1.

jirrikonoxxi li l-Istrateġija Ewropa 2020 hija kemm pjan globali ta’ riforma strutturali kif ukoll strateġija għall-ħruġ mill-kriżi. Barra minn hekk, din tinkludi numru usa' ta’ għanijiet u governanza ekonomika aktar integrata (1). F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom il-potenzjal u l-impenn politiku li jindirizzaw kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali minn perspettiva territorjali;

2.

jenfasizza li, kif juri l-falliment tal-Istrateġija ta’ Lisbona, la l-pjani tajba u lanqas analiżijiet korretti mhuma biżżejjed biex jiġu garantiti riżultati effiċjenti. Fil-livell prattiku jeħtieġ li jsiru passi kbar 'il quddiem, b'tali mod li l-livelli kollha ta’ gvern fl-Istati Membri – lokali u reġjonali kif ukoll ċentrali – jingħataw aktar pussess u jiġu involuti l-partijiet interessati kollha. Ir-reġjuni għandhom jitħeġġu jiżviluppaw pjattaformi reġjonali għall-innovazzjoni li jservu ta’ ċentri ta’ servizz u li jippromovu l-użu ta’ għarfien internazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-kooperazzjoni Ewropea skont l-interessi tar-reġjuni. Sabiex dan iseħħ, jeħtieġ li napplikaw il-kunċett dinamiku ġdid tal-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni, fejn il-kumpaniji, il-bliet u l-universitajiet, kif ukoll atturi oħra tas-settur pubbliku u privat (it-“triple helix” – tliet spirali) jitgħallmu jaħdmu flimkien b'modi ġodda u kreattivi sabiex jisfruttaw bi sħiħ il-potenzjal innovattiv tagħhom;

3.

jenfasizza li r-reġjuni issa saru atturi prinċipali f'ħafna oqsma politiċi, inklużi l-politika soċjali, ekonomika, industrijali, tal-innovazzjoni, tal-edukazzjoni u ambjentali, u għalhekk għandhom rwol kruċjali x'jaqdu fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 ibbażata fuq is-sħubija. Dan ser ikun jeħtieġ approċċ fuq skala wiesgħa, kumpless, miftuħ u multidixxiplinarju, li jgħaqqad il-ħafna strumenti komplementari li jinsabu fir-reġjuni u l-bliet;

4.

jappoġġja bi sħiħ il-bżonn indikat mill-Kummissjoni li l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u l-Programmi ta’ Stabbiltà u ta’ Konverġenza jiġu integrati kompletament fil-proċeduri baġitarji nazzjonali u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati rilevanti jiġu involuti fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-PNR (2);

5.

isejjaħ sabiex it-trasformazzjonijiet radikali li jistgħu jittieħdu mir-reġjuni u l-bliet pijunieri jkunu jiffukaw fuq:

il-bidla fundamentali kontinwa fil-kultura tax-xogħol lejn kollaborazzjoni orkestrata, kondiviżjoni tal-għarfien, u l-użu konġunt tar-riżorsi minflok ħidma separata fil-proċessi industrijali u proġetti żgħar separati;

l-approċċi ġodda lejn l-intraprenditorija karatterizzati minn fenomeni bħalma huwaa l-“Venture Garage Mindset”, li jippermettu lill-ġenerazzjoni diġitali żagħżugħa taħdem flimkien ma’ investituri pubbliċi u privati li joffru kapital ta’ riskju sabiex jikkonvertu l-intraprenditorija fl-ixprun tal-innovazzjoni;

kultura Ewropea ta’ innovazzjoni miftuħa: meta l-impriżi jwettqu parti dejjem akbar mill-attivitajiet tagħhom tar-riċerka u l-iżvilupp f'kollaborazzjoni miftuħa mal-aħjar universitajiet u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, jinħolqu intrapriżi ta’ suċċess u jiżdied it-tkabbir fil-livell reġjonali u lokali;

il-persuni bħala l-ass prinċipali tas-soċjetajiet tagħna: sabiex jinħolqu modi ġodda biex jiġu involuti b'mod speċjali ċ-ċittadini anzjani rtirati u ż-żgħażagħ bla xogħol, il-persuni jridu jkunu fil-qalba tal-istrateġiji tagħna, u b'hekk kulħadd jingħata aċċess għal ħajja u jkollhom is-setgħa jużaw il-potenzjal tagħhom;

6.

jenfasizza l-importanza li l-popolazzjoni lokali u l-komunitajiet tagħhom ikunu jistgħu jisfruttaw il-potenzjal kollu tagħhom. Hemm bżonn li jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, mhux biss fir-rwol tradizzjonali tagħhom bħala provvedituri tas-servizzi, iżda wkoll bħala dawk li jippromovu attivitajiet ġodda ta’ intrapriżi permezz ta’ kooperazzjoni attiva. Il-partijiet kollha differenti għandhom jaħdmu flimkien biex joħolqu kultura reġjonali ta’ kollaborazzjoni, ikkaratterizzata mill-kapaċità li jitqiesu l-motivazzjonijiet, l-għanijiet u r-riżorsi taċ-ċittadini lokali u l-komunitajiet tagħhom;

Messaġġi prinċipali: rigward ir-rwol ta’ dawk responsabbli għall-proċess deċiżjonali u politiku fil-livell reġjonali bħala aġenti tal-bidla u intermedjarji ta’ innovazzjoni soċjetali, il-KtR:

7.

jilqa' b'sodisfazzjon il-viżjoni strateġika usa' li tinkludi d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali bħala pilastri ugwali u komplementari biswit it-tkabbir ekonomiku u jitlob li l-importanza kruċjali tal-innovazzjoni soċjetali tiġi rikonoxxuta fl-inizjattivi ewlenin kollha sabiex jiġu implimentati t-tliet prijoritajiet tal-istrateġija ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

8.

jistieden lir-responsabbli mid-deċiżjonijiet fis-settur kemm pubbliku kif ukoll privat sabiex jirrikonoxxu l-bżonn li jkun hemm ħiliet, kompetenzi, strutturi u prattiki ġodda ta’ tmexxija u ġestjoni fi ħdan intrapriżi ta’ netwerk globali;

9.

iħeġġeġ lil dawk responsabbli mill-proċess deċiżjonali u politiku fil-livell reġjonali sabiex isiru aġenti tal-bidla u jiżviluppaw qafas strateġiku għall-iżvilupp reġjonali orjentat lejn l-innovazzjoni, peress li l-innovazzjoni żżid il-kwalità u tħeġġeġ nefqa pubblika u privata aktar effiċjenti u għandha potenzjal sinifikanti biex toħloq tkabbir u impjiegi ġodda. Il-kompitu tal-politika huwa li ssib u tibni fuq l-assi uniċi ta’ kull reġjun sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp strateġiku. Għal dan il-għan, ir-reġjuni għandhom bżonn jiżviluppaw viżjoni soda u realistika tal-futur ekonomiku u soċjali tagħhom u jħejju taħlita ta’ politiki usa', aktar integrata u aktar effiċjenti. Dan ikun jeħtieġ li jiġu kkombinati strumenti minn diversi oqsma ta’ politika u livell ta’ gvern, jiġu appoġġjati l-produzzjoni, it-tixrid u l-isfruttament tal-għarfien kif ukoll jinħolqu pakketti ta’ politika koerenti appoġġjati minn parametri aħjar, baġit orjentat lejn il-futur u sperimentazzjoni empirika;

10.

bil-għan li jinkiseb l-objettiv speċifikat hawn fuq, jipproponi li l-Kummissjoni, b'kooperazzjoni ma’ għadd ta’ reġjuni u esperti, tniedi l-proġetti ta’ żvilupp meħtieġa. Dan jista' jinkludi l-iżvilupp ta’ metodi li permezz tagħhom l-informazzjoni pproċessata u l-istimi għal pronjosi futuri jistgħu jiġu inklużi f'analiżi ta’ settur speċifiku jew punt ta’ mira mid-data statistika ġenerali;

11.

jistieden lir-reġjuni pijunieri biex jiffurmaw konsorzji Ewropej li jintegraw il-kapaċitajiet differenti sabiex jinħolqu innovazzjonijiet rivoluzzjonarji fil-livell tas-soċjetà li jistgħu jiġu applikati fl-Ewropa kollha. Permezz tad-diversi partijiet tiegħu, kull reġjun jista' jsir pijunier u jiffoka fuq il-bżonnijiet u s-saħħiet proprji tiegħu;

12.

jitlob li jitwettaq proċess ta’ tagħlim speċifiku li jintegra l-livelli differenti ta’ tħejjija ta’ politika sabiex jiġi kkoordinat l-użu tar-riżorsi u jissaħħaħ l-impatt tal-attivitajiet. Sabiex tinbena kapaċità konġunta, għandhom jiġu żviluppati programmi MBA għall-eżekuttivi li jkopru proċessi ta’ tfassil strateġiku f'diversi livell għal dawk responsabbli mill-politika, l-uffiċjali taċ-ċivil f'livell għoli, il-maniġers industrijali u r-riċerkaturi. Kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak reġjonali hemm bżonn ta’ programmi ta’ taħriġ bħal dawn. Ir-rwol ta’ dawk responsabbli mill-proċess deċiżjonali f'bosta pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 b'hekk ser jissaħħaħ u l-kooperazzjoni bejniethom u t-tixrid tal-prattiki tajba ser jiżdiedu;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IR-RWOL TAL-AWTORITAJIET LOKALI U REĠJONALI FIR-RIGWARD TAS-SEBA' INIZJATTIVI EWLENIN

Rigward il-bżonn għal kollaborazzjoni trasversali, il-KtR:

13.

jinsisti fuq il-bżonn li jkun hemm attivitajiet konġunti u kollaborazzjoni wiesgħa fost id-diversi inizjattivi ewlenin sabiex jippermettu u jħeġġu l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija Ewropa 2020. Bl-użu ta’ dan l-approċċ, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ser ikunu kapaċi jiżviluppaw kollaborazzjoni bejn it-territorji. B'mod partikulari, ser ikunu kapaċi jippromovu sistemi ta’ pjattaformi miftuħin u jżidu l-użu mill-ġdid u l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet u l-istrutturi li jiżviluppaw. Għalkemm ir-riżultati finali jista' jkollhom karatteristika lokali qawwija, mil-lat tal-istrutturi u l-interoperabbiltà, il-kollaborazzjoni attiva twassal għal ekonomiji ta’ skala u toħloq swieq usa' għall-attivitajiet lokali;

14.

jirrikonoxxi li l-kwistjoni prinċipali li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali (fid-dawl tan-numru enormi ta’ azzjonijiet li ġejjin mill-inizjattivi ewlenin u li huma kollegati magħhom) hija kif dawn jistgħu jgħaġġlu l-implimentazzjoni tal-attivitajiet l-aktar rilevanti. Għalhekk, sabiex jiżdied l-impatt reġjonali tal-inizjattivi ewlenin, jeħtieġ li jiġu indirizzati diversi aspetti:

l-impatt, l-ispeċjalizzazzjoni u l-possibbiltà tagħhom li jadattaw u s-sensibilizzazzjoni tal-opinjoni pubblika;

l-użu effettiv ta’ valutazzjonijiet komparattivi, l-iskambju tal-aħjar prattika u l-kollaborazzjoni bejn ir-reġjuni;

l-iżvilupp ta’ parametri għall-ħolqien tal-valur, l-innovazzjonijiet soċjali, il-kunċetti u l-metodi, u l-pjattaformi għas-sħubijiet pubbliċi-privati-ċittadini;

l-għarfien tal-importanza tad-djalogu bejn ix-xjenza u s-soċjetà, in-natura sistematika tal-innovazzjoni u l-komponenti previsti għall-partijiet interessati lokali u reġjonali;

fuq kollox, jeħtieġ li l-inizjattivi ewlenin kollha jkunu komplementati minn valutazzjoni tal-impatt baġitarju tal-miżuri proposti;

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Unjoni ta’ Innovazzjoni”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

jiġu appoġġjati inizjattivi bħar-“Reġjuni tal-Għarfien”, “Laboratorji Ħajjin” u “Bliet Intelliġenti”;

b)

jiġu żviluppati sħubijiet li jservu ta’ pjattaformi biex tiżdied il-bażi tal-għarfien ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell reġjonali u jiġu promossi l-innovazzjonijiet fis-soċjetà;

c)

tiġi stabbilita Pjattaforma Intelliġenti ta’ Speċjalizzazzjoni li tappoġġja u tħeġġeġ lir-reġjuni jadottaw strateġiji li jagħtu prijorità lill-vantaġġi kompetittivi u lill-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ reġjuni oħra;

d)

tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni bejn id-dinja tal-kummerċ u dik akkademika permezz tal-ħolqien ta’ “Alleanzi ta’ Għarfien”, b'attenzjoni partikulari biex jitneħħew il-lakuni fil-ħiliet fil-qasam tal-innovazzjoni

e)

tissaħħaħ il-bażi xjentifika għat-tħejjija ta’ politika bl-għajnuna ta’ Forum Ewropew għall-attivitajiet orjentati lejn il-futur bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll partijiet interessati pubbliċi u privati oħra sabiex tittejjeb il-bażi ta’ evidenza tal-politiki;

f)

jiġi żviluppat interess usa' fl-użu tal-mudell tat-tliet spirali (“triple helix”) biex jinbdew clusters ta’ riċerka reġjonali innovattiva u jiġu żviluppati pjattaformi ta’ innovazzjoni, kif ukoll li jissaħħu l-attivitajiet tat-trijangolu tal-għarfien (sinerġija bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-attivitajiet ta’ innovazzjoni);

g)

jingħalqu l-lakuni organizzattivi bejn il-korpi reġjonali u lokali tal-Ewropa permezz ta’ sħubijiet u proġetti ta’ kooperazzjoni mmirati lejn l-Unjoni ta’ Innovazzjoni li jħarsu 'l quddiem, li huma sostenibbli u li jħeġġu korpi iżgħar strutturalment u f'termini ta’ organizzazzjoni biex jingħaqdu flimkien fl-applikazzjoni ta’ ħiliet speċjalizzati b'mod stabbli u strutturat;

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Żgħażagħ Attivi”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

tingħata attenzjoni speċjali lill-kompetenzi prinċipali għas-soċjetà tal-għarfien, bħat-tagħlim dwar kif titgħallem, il-lingwi u l-kultura, il-ħiliet intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni, il-ħiliet interpersonali u l-kapaċità li jiġi sfruttat bi sħiħ il-potenzjal tal-ICT;

b)

it-taħriġ u l-edukazzjoni formali, informali u mhux formali jintrabtu mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol sabiex tiżdied l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u biex ikun jista' jinfetaħ il-potenzjal tagħhom u jiżviluppaw personalment u professjonalment;

c)

jinħolqu opportunitajiet għall-mobbiltà għall-akbar numru ta’ żgħażagħ possibbli, irrelevanti mis-sitwazzjoni personali jew is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom jew il-pożizzjoni ġeografika tar-reġjun tagħhom;

d)

jiġu żviluppati iktar l-istrumenti u l-għodod Ewropej sabiex tiġi ffaċilitata u mħeġġa l-mobbiltà fit-tagħlim fil-partijiet kollha tas-sistema edukattiva;

e)

jiġi appoġġjat l-inklużjoni tal-Europass (il-mudell ta’ CV Ewropew) fil-“passaport Ewropew ta’ ħiliet” futur sabiex tiġi promossa l-mobilità;

f)

jiġu adottati inizjattivi ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi abbażi ta’ ftehimiet immirati li jsibu l-aħjar soluzzjonijiet biex l-istudenti jitħejjew b'mod effettiv għar-responsabbiltajiet tal-ħajja adulta, li tiġi żviluppata kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali, min iħaddem u l-universitajiet bil-għan li jintlaħaq l-aħjar progress edukattiv, anke fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali u li jissodisfa l-ħtiġiet tal-istudenti u ta’ min iħaddem, il-parteċipazzjoni ta’ min iħaddem fl-identifikazzjoni tal-problemi edukattivi u l-iżvilupp tas-soluzzjonijiet għalihom, l-appoġġ għall-iskejjel biex iwettqu l-programmi edukattivi preparatorji, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-apprendistati vokazzjonali u l-promozzjoni tal-edukazzjoni ma’ min iħaddem;

g)

jenfasizza li l-pedament tal-prinċipji ta’ saħħa tajba u ta’ mobbiltà jitqiegħdu f'fażi bikrija tal-ħajja u jipprovdu l-kundizzjonijiet għal kwalità ta’ ħajja tajba. L-attivitajiet tal-korpi mingħajr skop ta’ qligħ huma l-pedament tas-soċjetà. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ma tkomplix b'dawk il-proposti (Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-futur tal-VAT (COM(2010) 695)) li jheddu l-eżistenza u s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet;

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Aġenda diġitali għall-Ewropa”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

jinħolqu aġendi diġitali lokali biex jitħaffef l-użu ottimali tal-ICT permezz ta’ kollaborazzjoni lokali, reġjonali u Ewropea ppjanata;

b)

jitjiebu l-interoperabbiltà u l-gvern elettroniku billi jiġu żviluppati applikazzjonijiet ġodda, bħas-servizzi onlajn ċċentrati fuq il-persuni, it-tagħlim elettroniku (e-learning), is-servizzi tas-saħħa onlajn (e-health),il-votazzjoni onlajn (e-voting), is-servizzi tal-amministrazzjoni onlajn (e-administration), is-sistemi ta’ trasport intelliġenti u l-mudelli ta’ informazzjoni reġjonali għall-ippjanar urban;

c)

jiġi promoss is-suq uniku diġitali bħala s-sinsla tal-aġenda diġitali għall-Ewropa u jiġu appoġġjati proġetti innovattivi fuq skala kbira bbażati fuq l-aħjar għarfien Ewropew u li jinvolvu lid-diversi partijiet interessati;

d)

jiġi assigurat aċċess għall-broadband ġust u bi prezz raġonevoli kullimkien u jitwettqu proġetti piloti bil-għan li jitnaqqas id-distakk fir-rigward tal-aċċessibbiltà;

e)

jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni għall-kwistjonijiet tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà f'rabta mal-prodotti u s-servizzi tal-ICT, li huma prekundizzjoni għall-fiduċja taċ-ċittadini u għat-teħid tal-opportunitajiet offruti;

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Ewropa b'użu effiċjenti ta’ riżorsi”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

titjieb il-governanza dwar it-tibdil fil-klima bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi prinċipali fl-isforzi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għat-tnaqqis ta’ dan it-tibdil, u għall-promozzjoni ta’ mod aktar sostenibbli fl-użu tar-riżorsi, u biex il-produtturi u l-konsumaturi jiġu motivati jadottaw imġiba li tirrispetta aktar lil ambjent u aktar effiċjenti f'termini ta’ riżorsi;

b)

jinħolqu parametri ċċentrati fuq l-utent għall-ħolqien tal-valur u l-valutazzjoni tal-impatt li għandhom jintużaw mil-livell differenti ta’ governanza b'rabta mal-ħolqien ta’ soċjetà tal-għarfien sostenibbli; f'dan il-kuntest jiġi limitat in-numru ta’ indikaturi sabiex ikun żgurat li l-politiki qed jitfasslu b'mod effiċjenti li jkun viżibbli u li jinftiehem mill-pubbliku;

c)

jiġu adottati strateġiji lokali u reġjonali dwar il-klima u l-enerġija li jipprevedu akkwist pubbliku aktar ekoloġiku għall-baġits pubbliċi, inklużi proġetti li jużaw il-fondi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea;

d)

jintużaw pjani direzzjonali u pattijiet ta’ azzjoni biex jinkiseb is-sostenn politiku u jiġi promoss l-investiment fl-infrastruttura li tirrispetta l-ambjent, fir-rinnovazzjoni tas-sistema tal-enerġija u fis-servizzi pubbliċi ekoloġiċi;

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

tiġi promossa l-modernizzazzjoni industriali permezz ta’ proġetti strateġiċi Ewropej li għandhom l-għan li jkollhom effett ta’ xprun globali fir-rigward tal-kondiviżjoni effettiva tal-għarfien u t-teknoloġija (f'oqsma bħat-trasport ekoloġiku u l-bini b'konsum baxx tal-enerġija);

b)

jassiguraw l-arrikkiment reċiproku tal-ideat u l-mudelli ta’ negozji permezz ta’ inizjattivi bħar-“Reġjun Intraprenditorjali Ewropew” sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jitħeġġu jippromovu żviluppi ġodda fir-rigward tal-SMEs u l-kultura intraprenditorjali;

c)

jiġi promoss il-kunċett ta’ ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni u tiġi żviluppata kooperazzjoni mill-qrib bejn in-nisġa produttiva u l-universitajiet u ċ-ċentri teknoloġiċi sabiex jinħoloq tkabbir u impjiegi;

d)

jittieħdu miżuri intiżi biex isibu bilanċ bejn il-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja billi tittejjeb il-kwalità tas-servizzi pubbliċi, pereżempju billi jiġu offruti biżżejjed postijiet full-time fiċ-ċentri tal-kura tat-tfal żgħar u billi tiġi promossa organizzazzjoni tax-xogħol li tirrispetta lill-familji, abbażi ta’ ħinijiet u mudelli tax-xogħol flessibbli;

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

jiġu żviluppati l-kundizzjonijiet għall-ħolqien tal-impjiegi u miżuri lokali biex tiġi ġestita l-bidla industrijali u ekonomika, pereżempju billi tiġi identifikata l-inadegwatezza tal-ħiliet elettroniċi u l-opportunitajiet ta’ negozju relatati;

b)

jiġu promossi s-sħubijiet strateġiċi bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-intrapriżi sabiex jissaħħu l-ekosistemi reġjonali ta’ innovazzjoni u jiġu rikonċiljati mal-politiki tal-flessigurtà;

c)

titħeġġeġ l-azzjoni lokali dwar il-kompetenza diġitali, it-tluq bikri mill-iskola, it-tagħlim tul il-ħajja, u l-għoti tas-setgħa lill-anzjani;

d)

jiġu żviluppati rabtiet aktar sodi bejn l-università u l-impriżi, pereżempju billi fil-programmi kollha tal-università jiġu integrati apprendistati li jkollhom effett fuq il-kreditu, u billi fit-tfassil ta’ dawn il-programmi jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet tal-impjegati li qed jitħarrġu u l-isfidi li jridu jiffaċċjaw, billi jiġu offruti pereżempju soġġorni barra minn pajjiżhom iktar qosra u internazzjonalizzazzjoni fl-ambjent domestiku (“internationalisation at home”);

Rigward l-inizjattiva ewlenija “Pjattaforma Ewropa kontra l-faqar”, il-KtR jirrikonoxxi l-bżonn speċjali li:

a)

tiġi żviluppata aġenda ta’ inklużjoni lokali u soċjali sabiex is-servizzi soċjali lokali jsiru aktar effettivi u aċċessibbli għal kulħadd;

b)

jintużaw il-kompetenzi legali u l-programmi adatti għall-bżonnijiet lokali fis-setturi tal-edukazzjoni, l-akkomodazzjoni, l-ippjanar urban, is-servizzi soċjali, is-sigurtà u l-attivitajiet kulturali, b'attenzjoni partikulari fuq iż-żgħażagħ u t-tfal;

c)

jiġu promossi l-inklużjoni elettronika, l-ekonomija soċjali, il-volontarjat u r-responsabbiltà soċjali korporattiva;

d)

jiġu evalwati r-riformi li ttieħdu, b'mod partikulari fir-rigward tal-limitu, l-ispejjeż u l-impatt tal-innovazzjonijiet tas-soċjetà, kif ukoll li s-soluzzjonijiet il-ġodda li urew l-effikaċja tagħhom jinxterdu fl-Ewropa kollha u jiġu applikati lokalment;

III.   RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-GOVERNANZA F'DIVERSI LIVELLI U L-FINANZJAMENT

Messaġġi dwar il-governanza f'diversi livelli: rigward il-patti territorjali u l-pussess politiku, il-KtR:

15.

jenfasizza li l-għan li l-istrateġija tingħata dimensjoni aktar reġjonali u lokali huwa li jissaħħaħ l-impenn tal-Istati Membri fil-konfront tal-istrateġija u l-pussess politiku tagħha, u b'hekk tkun iktar rilevanti u prattika għaċ-ċittadini;

16.

jiġbed l-attenzjoni għall-impenn sod tiegħu għall-proposta li tistabbilixxi “Patt Territorjali tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali dwar l-Istrateġija Ewropa 2020”, biex jiżgura pussess f'diversi livelli tal-istrateġija permezz ta’ sħubija effettiva bejn il-korpi rilevanti tal-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali. Din il-proposta hija appoġġjata mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew (3);

17.

josserva li diversi Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ewropa 2020, li l-gvernijiet nazzjonali ppreżentaw lill-Kummissjoni sa April 2011 fil-kuntest tal-qafas tas-Semestru Ewropew, irreferew għar-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ipprogrammar tagħhom. Madankollu, xi ftit biss minn dawn il-Programmi indikaw li ġie adottat approċċ ta’ governanza f'diversi livelli biex jiġu implimentati partijiet mill-istrateġija l-ġdida u huwa wieħed biss li jsemmi b'mod espliċitu l-proposta tal-KtR għall-Patti Territorjali;

18.

iħeġġeġ bil-qawwi lill-Istati Membri biex jgħinu lir-reġjuni u lill-bliet tagħhom jistabbilixxu Patti Territorjali fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 (4), sabiex, flimkien mal-gvernijiet ċentrali tagħhom, jiġu definiti għanijiet, impenji u strutturi ta’ rappurtaġġ nazzjonali b'konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, f'konformità totali tal-qafas leġislattiv nazzjonali (5);

19.

jinsisti dwar il-valur miżjud maħluq mill-Patti Territorjali. Dawn għandhom jiffukaw fuq ftit prijoritajiet adattati, b'valur speċjali għar-reġjun ikkonċernat u m'għandhomx isiru strument burokratiku ġdid iżda għandhom jirrappreżentaw il-komponenti naturali tal-PNR sabiex tiġi assigurata l-konformità mal-prinċipji tal-governanza f'diversi livelli u s-sħubija. Dawn jista' jkollhom il-forma ta’ impenji politiċi, possibbilment ikkomplementati minn kuntratti stabbiliti fuq bażi volontarja bejn il-korpi pubbliċi, waqt li jkun hemm enfasi fuq il-governanza u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-Patti Territorjali jistgħu jiġu żviluppati b'mod speċjali fl-oqsma ta’ politika fejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma atturi prinċipali fir-rigward tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miri prinċipali u l-inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020;

20.

ifakkar li jeżistu diversi eżempji ta’ ftehimiet ta’ governanza f'diversi livelli li għandhom l-għan li jwettqu għanijiet ta’ żvilupp territorjali kondiviż permezz ta’ politika integrata u koordinata. Dawn ivarjaw ħafna u jirriflettu mhux biss objettivi differenti iżda wkoll differenzi attwali bejn il-pajjiżi kkonċernati u d-diversità soċjoekonomika, kulturali, istituzzjonali u ambjentali tagħhom. Fost l-eżempji hemm il-ftehimiet li jeżistu fl-Awstrija (Patti Territorjali għall-Impjieg), Spanja (Patti Territorjali ta’ Katalunja għaż-żona rurali), il-Belġju (Flanders f'Azzjoni, Patt 2020 u Pjan Marshall 2.Green għall-Wallonja), ir-Renju Unit (Sħubija għal Greater Nottingham), Franza (Patti Territorjali għall-Inklużjoni, Kuntratti ta’ Ppjanar bejn l-Istat u r-Reġjuni) u l-Ġermanja (Inizjattiva għall-Innovazzjoni – Reġjuni Intraprendituri tal-Ministeru Federali għall-Edukazzjoni u r-Riċerka). Il-KtR jtenni l-impenn tiegħu li jippromovi l-aktar t-tixrid possibbli tal-esperjenzi sabiex iħeġġeġ il-proċessi ta’ tagħlim reċiproku (6); jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-attivitajiet konġunti li għandhom l-għan li jsaħħu u jiżviluppaw iktar il-kuntatti soċjali bejn il-komunitajiet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ żewġ pajjiżi ġirien jew iktar, fuq il-bażi ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali jew multilaterali bejn il-partijiet interessati;

21.

jirrepeti l-messaġġ tad-Dikjarazzjoni li ppreżenta l-Bureau tal-KtR lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2011: il-patti territorjali ser jgħinu jagħtu lill-istrateġija l-ġdida dimensjoni territorjali u ser jgħinu wkoll jiċċentraw l-istrumenti kollha ta’ politika u l-mezzi ta’ finanzjament disponibbli lejn il-livelli differenti ta’ gvern involuti;

22.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jimplimentaw l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, skont il-leġislazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk isejjaħ lill-Presidenzi tal-Unjoni Ewropea sabiex fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew jagħtu appoġġ espliċitu lill-prinċipji ta’ governanza f'diversi livelli, inkluża l-proposta tal-KtR għall-patti territorjali;

23.

jinnota li l-analiżi tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) turi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma ġewx involuti biżżejjed fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri meta dawn kienu qed ifasslu l-PNR. Il-KtR jistieden lill-Istati Membri jinvolvu kemm jista' jkun lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Strateġija ta’ implimentazzjoni minn isfel għal fuq, fejn il-livelli amministrattivi kompetenti jiġu involuti kemm jista' jkun, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, mhux biss ittejjeb il-prospetti ta’ suċċess tal-programmi iżda wkoll twassal għal adozzjoni usa' tal-implimentazzjoni tagħhom. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa lest jiżviluppa kunċetti ta’ Patti Territorjali u programmi operattivi reġjonali b'kooperazzjoni ma’ dawk ir-reġjuni li lesti jagħmlu dan. Dan iwassal għall-applikazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin fil-livell reġjonali. Tipikament, dawn jinkludu l-Aġenda Diġitali Lokali u l-Aġenda għall-Innovazzjoni Lokali li jgħinu lir-reġjun jispeċjalizza b'mod intelliġenti u jibni l-kooperazzjoni Ewropea tiegħu u l-bażi għall-prosperità tiegħu;

24.

jenfasizza l-importanza li tinħoloq kapaċità ta’ innovazzjoni fil-livell reġjonali fuq il-bażi tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti u l-komplementaritajiet fir-reġjuni viċini. Għandu jintuża l-potenzjal kollu tal-makroreġjuni Ewropej sabiex jitkabbru s-swieq u jservu ta’ bank ta’ prova innovattiv biex jiġi appoġġjat it-tkabbir. Fir-rigward ta’ dan, hemm evidenza ċara li r-reġjun tal-Baħar Baltiku jista' jintuża bħala eżempju u prototip għall-Ewropa kollha;

Messaġġi dwar il-governanza f'diversi livelli: rigward ir-rwol essenzjali ta’ implimentazzjoni, il-KtR:

25.

jirrikonoxxi d-distakk enormi bejn l-għarfien l-aktar reċenti dwar ir-riċerka u l-prattika fil-ħajja reali. Hemm bżonn ta’ miżuri reġjonali b'saħħithom sabiex ir-riżultati ta’ riċerka jissarfu f'innovazzjoni li hija adatta għal-lokal u li tista' tiġi applikata fl-Ewropa kollha. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jimmobilizzaw is-sħubijiet pubbliċi-privati u jħeġġu l-parteċipazzjoni mil-lokal (l'hekk imsejħa innovazzjoni miftuħa orjentata lejn l-utent fis-soċjetajiet miftuħa biex jinħoloq il-valur);

26.

jenfasizza r-rwol globali kruċjali tal-inizjattivi ewlenin “Unjoni ta’ Innovazzjoni” (7) u “Aġenda Diġitali” (8) fil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet favorevoli biex jintaqqas id-distakk bejn ir-riżultati ta’ riċerka eżistenti u l-prattika. Jeħtieġ li jiġu żviluppati, u anke mibdulin radikalment, prattiċi strateġiċi u operattivi fil-livell lokali u reġjonali skont ir-riżultati tar-riċerka l-aktar reċenti;

27.

iħeġġeġ b'mod attiv il-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi bil-għan li jiġu modernizzati l-proċessi u biex dawn jiġu applikat abbażi ta’ ħsieb immirat lejn sistemi diġitali;

28.

jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tieħu deċiżjonijiet rapidi, sabiex titfa' l-pedament għall-iżvilupp tas-suq uniku, speċjalment is-suq uniku diġitali, u tiffinanzja xi ftit inizjattivi ta’ riċerka u żvilupp fuq skala wiesgħa li jittrasferixxu u jikkonċettwalizzaw l-għarfien ta’ riċerka globali f'applikazzjonijiet prattiċi tal-ħajja reali b'mod multidixxiplinari u kreattiv. Għandu jkun hemm inizjattivi pijunieri li jużaw l-aħjar esperti u aġenti tat-tibdil minn diversi oqsma;

29.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi flimkien mal-KtR kampanja usa' ta’ komunikazzjoni sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali u reġjonali kif ukoll iċ-ċittadini jsiru jafu aktar dwar l-Istrateġija Ewropa 2020. Għal dan il-għan, il-KtR jipproponi li, flimkien mal-Kummissjoni, iħejji “Gwida dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 għall-Bliet u r-Reġjuni” sabiex jiġi spjegat b'mod ċar kif dawn jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija, filwaqt li jintwerew is-sorsi differenti ta’ finanzjament (nazzjonali, lokali, reġjonali u tal-Unjoni Ewropea);

30.

jikkonferma li ser ikompli jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-livell lokali permezz tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Istrateġija Ewropa 2020. Bħala kontribut għas-suċċess tal-istrateġija l-ġdida fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, ir-riżultati ta’ monitoraġġ tal-KtR ser jiġu ppubblikati kull sena f'Diċembru, qabel l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa;

Messaġġi dwar il-finanzjament: rigward il-bżonn għal sinerġija bejn id-diversi sorsi ta’ finanzjament, il-KtR:

31.

jenfasizza li l-isfida vera għall-Unjoni Ewropa, l-Istati Membri u r-reġjuni hija li tinħoloq is-sinerġija neċessarja bejn l-istrumenti differenti ta’ finanzjament tas-settur pubbliku u dak privat sabiex l-Istrateġija Ewropa 2020 tkun tista' tiġi implimentata, u jħeġġeġ koordinazzjoni ikbar bejn il-baġits nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex ir-reġjuni u l-bliet ikunu jistgħu jużaw aħjar il-Fondi Strutturali u programmi oħra tal-Unjoni Ewropea;

32.

jenfasizza partikularment il-ħtieġa li jkun hemm progress sabiex ir-riżorsi jiġu kkonċentrati fuq l-objettivi u l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 u jissottolinja r-rabta bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020, li tipprovdi opportunità reali sabiex l-ifqar reġjuni tal-Unjoni Ewropea jkomplu jiġu megħjuna javvanzaw, tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni bejn il-politiki tal-Unjoni Ewropea u sabiex il-politika ta’ koeżjoni tiġi żviluppata f'fattur prinċipali tat-tkabbir fl-Unjoni Ewropea kollha filwaqt li fl-istess ħin jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjeta bħat-tixjiħ u t-tibdil fil-klima (9);

33.

jikkonferma għalhekk l-interess tiegħu f'żewġ proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali l-ġdid li jkopri l-perjodu wara l-2013 (10), partikularment il-kuntratti ta’ sħubija tal-iżvilupp u l-investiment bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membri li jirriflettu l-impenji tal-imsieħba fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u qafas strateġiku komuni sabiex tiżdied il-konsistenza tal-politiki sabiex l-Istrateġija Ewropa 2020 issir realtà u tal-għanijiet ta’ koeżjoni, li għandu jissostitwixxi l-pakketti separati attwali ta’ linji gwida;

34.

ifakkar fil-miżuri tal-politika ta’ koeżjoni li għandhom jintużaw għall-bini ta’ sistemi tal-innovazzjoni reġjonali, l-istrumenti tal-kooperazzjoni territorjali, il-provvista ta’ kapital ta’ riskju u l-miżuri għall-introduzzjoni aktar rapida ta’ prodotti innovattivi u t-tħeġġiġ ta’ netwerking fost il-partijiet interessati fl-oqsma tal-ekonomija, ix-xjenza u l-amministrazzjoni (11);

35.

ifakkar fil-bżonn li jinħolqu parametri aħjar mill-PDG biss sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, l-użu effiċjenti tar-riżorsi, il-kwalità tal-ħajja jew l-inklużjoni soċjali, u jindika li l-indiċi li għandhom jintużaw mill-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni Ewropea jridu jkunu l-istess u jippromovu l-ħolqien u l-firxa tal-innovazzjoni soċjetali u l-konsistenza fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet. (12) Dawn l-indikaturi addizzjonali għandhom jitqiesu meta tiġi implimentata u evalwata l-politika ta’ koeżjoni, sabiex jiġi rifless aħjar l-iżvilupp ta’ kull reġjun (13);

36.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiffaċilita sħubijiet territorjali ġodda billi tissemplifika u ttejjeb il-mod kif jiġu ġestiti l-programmi ta’ kooperazzjoni interreġjonali; (14)

37.

jitlob li jiżdiedu l-kapaċitajiet tar-reġjuni u l-bliet biex jużaw is-Seba' Programm Qafas, il-Programm tal-Kompetittività u l-Innovazzjoni u inizjattivi simili oħrajn. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-użu sħiħ tad-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda ewlenija ta’ appoġġ sabiex tiġi modernizzata l-politika ta’ innovazzjoni reġjonali;

Messaġġi dwar il-finanzjament: rigward l-innovazzjoni miftuħa u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fl-akkwist pubbliku, il-KtR:

38.

jirrikonoxxi li l-innovazzjoni ġejja minn taħlita ta’ elementi u approċċi multidixxiplinari differenti u jistieden li jiġu adottati miżuri li jżidu l-kapital strutturali u relazzjonali tar-reġjuni, kemm ġewwa fil-komunitajiet ta’ prattika kif ukoll fil-kollaborazzjoni mal-oħrajn;

39.

jemmen li l-intrapriżi jridu jinfetħu għal mentalitajiet oħra u jisfruttaw ir-riżorsi kollettivi disponibbli fi ħdan ir-reġjun tagħhom u għalhekk is-suċċess tagħhom jiddependi mill-kapital soċjali. Min-naħa l-oħra, il-KtR iħeġġeġ lir-reġjuni jimxu lejn l-innovazzjoni miftuħa, b'viżjoni ċentrata fuq is-sħubijiet bejn l-atturi tas-settur pubbliku u privat mal-universitajiet u istituzzjonijiet oħra tal-għarfien li għandhom rwol kruċjali, jiġifieri jiġi mmodernizzat l-kunċett tat-triple helix;

40.

jilqa' b'sodisfazzjon l-użu tal-akkwist prekummerċjali bħala strument biex inaqqas id-distakk bejn l-innovazzjoni tas-soċjetà u s-soluzzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija, u jenfasizza li l-immodernizzar tar-regoli tal-akkwist jridu jtejbu r-rwol tas-settur pubbliku sabiex jinkiseb l-aħjar valur għall-flus. (15) Sakemm l-ispeċifikazzjonijiet u l-proċessi jistgħu jiġu kkoordinati bejn ir-reġjuni, l-akkwist pubbliku prekummerċjali jista' jkun ukoll xprun sinifikanti għall-ħolqien tas-suq uniku fl-Ewropa;

41.

itenni li l-akkwist prekummerċjali ser jerġa' jissaħħħ aktar jekk ikun ikkombinat mal-innovazzjoni miftuħa immirata li taċċellera l-iżvilupp tas-soċjetà ekoloġika tal-għarfien, fi kliem ieħor, jekk jintuża sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni u li jistgħu jerġgħu jintużaw sabiex jinħolqu infrastrutturi u servizzi li fuqhom huma bbażati l-ekosistemi tal-innovazzjoni fil-ħajja reali moderna.

Brussell, 12 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Semestru Ewropew u Stħarriġ annwali dwar it-tkabbir COM(2011) 11.

(2)  Kummissjoni Ewropea, Strateġija Ewropa 2020 COM(2010) finali u l-ittra tas-Segretarju Ġenerali lill-KtR tad-19 ta’ Lulju 2010

(3)  CdR 199/2010 fin, Riżoluzzjoni dwar Sehem ikbar tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fl-Istrateġija Ewropa 2020

(4)  CdR 73/2011, Dikjarazzjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2011

(5)  CdR 199/2010 fin, Riżoluzzjoni dwar Sehem ikbar tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali fl-Istrateġija Ewropa 2020

(6)  Għal dan il-għan, fil-websajt tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Istrateġija Ewropa 2020 tal-KtR ġiet attivata paġna web apposta.

(7)  CdR 373/2010 riv 2, Opinjoni dwar l-Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni

(8)  CdR 104/2010 fin, Opinjoni dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa

(9)  Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE – COM(2010)700

(10)  Jinsab imniżżel ukoll fir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE – COM(2010)700

(11)  CdR 223/2010 fin, Opinjoni dwar il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-Istrateġija Ewropa 2020

(12)  CdR 163/2010 fin, Opinjoni dwar “Inkejlu l-progress lil hinn mill-PDG”

(13)  CdR 369/2010 fin, Opinjoni dwar il-ħames rapport dwar il-koeżjoni

(14)  ibid.

(15)  CdR 70/2011 fin, Opinjoni dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku


11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/61


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

2012/C 9/11

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ b’sodisfazzjon it-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali fl-UE. Minkejja l-qafas legali sod Ewropew fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, jeżistu nuqqasijiet fil-mod kif dawn id-drittijiet jiġu żgurati fil-prattika;

jappoġġja t-tliet partijiet prinċipali tal-istrateġija tal-Kummissjoni. Josserva wkoll li l-istrateġija tindirizza l-ewwel nett lill-istituzzjonijiet u titkellem l-aktar dwar x’għandha tagħmel il-Kummissjoni. Il-Kumitat jirrakkomanda approċċ aktar strateġiku fl-implimentazzjoni tal-Karta, liema approċċ jitlob l-inklużjoni tal-istituzzjonijiet kollha, fosthom l-awtoritajiet politiċi fil-livell lokali u reġjonali;

huwa lest jipparteċipa fil-ħolqien ta’ “kultura tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali” f’livelli politiċi differenti. Din il-ħidma tinkludi wkoll azzjoni biex iċ-ċittadini jsiru jafu aktar dwar id-drittijiet fundamentali kif ukoll il-kompitu li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-uffiċjali tal-UE, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-validità tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala liġi li tapplika b’mod dirett;

jaħseb li l-istrateġija proposta għandha tiġi ċċarata fir-rigward tal-proċessi għall-konsultazzjonijiet preparatorji dwar il-leġislazzjoni proposta. Dawn il-proċessi jridu jitfasslu b’mod ċar sabiex il-valutazzjonijiet tal-impatt ikunu eżatti u utli. Bil-għan li tissaħħaħ id-demokrazija fl-UE, huwa importanti li l-atturi differenti, fosthom il-livell politiku lokali u dak reġjonali, ikunu jistgħu jesprimu fehmiethom.

Relatur

Lotta Håkansson HARJU (SE/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Järfälla

Dokument ta’ referenza

Strateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea

COM(2010) 573 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Sfond

1.

jinnota li, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea saret legalment vinkolanti. Id-drittijiet li tagħti l-Karta jistgħu jiġu applikati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu, u l-qrati fl-Istati Membri individwali jridu jikkunsidraw bis-sħiħ il-Karta fis-sentenzi tagħhom. Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona jistabbilixxi li l-UE għandha taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali;

2.

jinnota li l-kwistjonijiet marbutin mad-drittijiet li tagħti l-Konvenzjoni Ewropea jiġu ttrattati fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu. Wara li l-UE tirratifika l-Konvenzjoni Ewropea, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu ser tkun tista’ teżamina wkoll il-leġislazzjoni tal-UE;

3.

jinnota li kull ċittadin tal-pajjiżi msieħba fil-Kunsill tal-Ewropa jista’ jressaq rikors dwar ksur tal-Konvenzjoni Ewropea, filwaqt li l-Istati Membri tal-UE, l-istituzzjonijiet tal-UE jew persuni ġuridiċi jew fiżiċi jistgħu jressqu rikors dwar ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Waħda mill-kundizzjonijiet sabiex sistema legali taħdem tajjeb fl-Ewropa kollha hija li l-UE tirratifika l-Konvenzjoni Ewropea mill-aktar fis possibbli;

4.

ifakkar li l-Karta tal-UE tiġbor f’test wieħed id-drittijiet fundamentali kollha garantiti fl-UE u tiddefinixxihom b’mod ċar. Iċ-ċertezza legali tissaħħaħ u d-drittijiet tal-individwi jiġu ċċarati. Il-Karta hija indirizzata lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri meta dawn japplikaw jew jimplimentaw il-liġi tal-UE;

5.

jinnota li l-Karta tistabbilixxi li l-kompetenzi tal-UE mhux ser jitwessgħu permezz tal-artikoli l-ġodda. It-tqassim tal-kompetenzi bejn l-UE u l-Istati Membri għandu jiġi rispettat;

6.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rwol tal-awtonomija lokali huwa rikonoxxut fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 4(2), l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali li hija espressa fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tal-Istati Membri, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali. Awtonomija b’saħħitha fil-livell sottonazzjonali tirrappreżenta element ewlieni tas-sistema demokratika tal-Istati Membri tal-UE. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jiġi fformulat mill-ġdid fit-Trattat ta’ Lisbona u għall-ewwel darba jiġi estiż għal-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Barra minn hekk, l-Istati Membri kollha tal-UE rratifikaw il-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali;

7.

jinnota li l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta l-istrateġija tagħha fil-Komunikazzjoni COM(2010) 573 finali. L-għan ewlieni tagħha huwa li tippromovi “kultura tad-drittijiet fundamentali”. L-istrateġija tinkludi tliet partijiet prinċipali:

L-Unjoni trid tkun eżemplari,

Informazzjoni aħjar għall-pubbliku,

Rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta;

8.

jinnota li l-istrateġija tindirizza l-ewwel nett l-attivitajiet u l-proċeduri tal-Kummissjoni u tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE. Skont l-istrateġija, il-Kummissjoni għandha toqgħod attenta li l-atti legali kollha tal-UE jkunu konformi mal-Karta f’kull fażi tal-proċess leġislattiv, inkluża l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

9.

jilqa’ b’sodisfazzjon it-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali fl-UE. Minkejja l-qafas legali sod Ewropew fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, jeżistu nuqqasijiet fil-mod kif dawn id-drittijiet jiġu żgurati fil-prattika;

10.

għalhekk, jilqa’ b’sodisfazzjon l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea dwar kif l-UE ser timplimenta b’mod effettiv il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza li tittieħed azzjoni biex titjieb l-applikazzjoni tad-drittijiet garantiti mill-UE;

11.

jappoġġja t-tliet partijiet prinċipali tal-istrateġija tal-Kummissjoni. Josserva wkoll li l-istrateġija tindirizza l-ewwel nett lill-istituzzjonijiet u titkellem l-aktar dwar x’għandha tagħmel il-Kummissjoni. Il-Kumitat jirrakkomanda approċċ aktar strateġiku fl-implimentazzjoni tal-Karta, liema approċċ jitlob l-inklużjoni tal-istituzzjonijiet kollha, fosthom l-awtoritajiet politiċi fil-livell lokali u reġjonali;

12.

jenfasizza l-importanza li fis-snin li ġejjin issir analiżi kritika tas-sostenibbiltà tat-tqassim tal-kompetenzi rigward id-drittijiet fundamentali stabbilit fit-trattati tal-UE u fil-Karta, peress li l-kontenut tal-Karta ser jiġi kkonkretizzat kemm permezz ta’ azzjoni politika kif ukoll permezz ta’ valutazzjonijiet ġudizzjarji. Il-Karta ma testendix is-setgħat tal-UE, u r-rwol tal-muniċipalitajiet u r-reġjuni fis-sistemi politiċi tal-pajjiżi għandu jingħata attenzjoni;

13.

jiġbed l-attenzjoni għad-diversità tad-demokrazija lokali u reġjonali fl-Istati Membri differenti. Meta jiġu implimentati d-drittijiet fundamentali, għandhom jiġu rispettati t-tradizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali u l-awtonomija lokali. L-istrateġija għandha tissejjes fuq l-interazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-Istat, u bejn il-livelli differenti tas-soċjetà. Il-livell lokali u dak reġjonali għandhom jingħataw attenzjoni aktar sfiqa, u għandhom jingħataw rwol attiv fl-implimentazzjoni tal-Karta;

14.

jinnota li huwa fil-livell lokali u reġjonali li jitfasslu u jiġu garantiti ħafna mid-drittijiet fundamentali, bħall-protezzjoni tas-saħħa (Artikolu 35 tal-Karta), l-edukazzjoni (Artikolu 14), id-dritt għall-proprjetà (Artikolu 17), is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali (Artikolu 34), il-protezzjoni tal-konsumatur (Artikolu 38), u l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika (Artikoli 39 u 40);

15.

jinnota li r-rwol tal-livell lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ġie enfasizzat ukoll mill-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa (pereżempju fir-rapport “The role of local and regional authorities in the implementation of human rights” [Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem], Lars O. Molin, 2010) u mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (pereżempju fid-djalogu tas-26 ta’ Novembru 2010 mal-Kummissjoni CIVEX tal-KtR dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali f’sistema b’diversi livelli);

16.

huwa tal-fehma li, bil-għan li l-istrateġija jkollha impatt akbar u li d-drittijiet fundamentali jiġu applikati bis-sħiħ, il-livell lokali u dak reġjonali għandhom ikunu ħafna aktar viżibbli fl-istrateġija u għandu jiġi enfasizzat ir-rwol strateġiku li jaqdu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw, permezz ta’ konsultazzjoni miftuħa maċ-ċittadini u l-partijiet interessati lokali, il-karti tagħhom dwar id-drittijiet fundamentali li jixbhu lill-Karta tal-UE;

17.

josserva li hemm bżonn ta’ sforzi komuni u responsabbiltà konġunta fil-livelli kollha tas-soċjetà. Għalhekk, l-isforzi biex tinkiseb kooperazzjoni effettiva u effiċjenti bejn il-livelli kollha tas-soċjetà għandhom ikunu element essenzjali tal-istrateġija. Hemm bżonn ta’ djalogu regolari dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali bejn il-livelli politiċi kollha fi ħdan l-UE. Dan enfasizzah ukoll il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, Thomas Hammarberg (“Recommendation on systematic work for implementing human rights at the national level” [Rakkomandazzjoni dwar il-ħidma sistematika għall-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell nazzjonali] – CommDH(2009)3);

18.

huwa tal-fehma li eżempju tajjeb tal-kooperazzjoni bejn il-livelli differenti tas-soċjetà huwa d-djalogu annwali dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali f’sistema b’diversi livelli li jorganizzaw il-Kummissjoni CIVEX tal-KtR u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA, li tinsab fi Vjenna). Jinħtieġ djalogu regolari biex il-livelli kollha jinvolvu ruħhom fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE kollha jiġu infurmati dwar dawn l-istess drittijiet;

19.

jinnota li l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali qed twettaq ukoll proġett biex titjieb il-kooperazzjoni bejn il-livelli politiċi differenti tal-UE. Dan hu proġett dwar il-kooperazzjoni bejn il-livelli differenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tad-drittijiet fundamentali (Joined-up governance: connecting fundamental rights [Governanza konġunta: il-konnessjoni bejn id-drittijiet fundamentali]). Il-livelli politiċi individwali għandhom jiġu kkoordinati sabiex jiġi garantit li d-drittijiet fundamentali jiġu eżerċitati;

20.

huwa lest jipparteċipa fil-ħolqien ta’ “kultura tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali” f’livelli politiċi differenti. Din il-ħidma tinkludi wkoll azzjoni biex iċ-ċittadini jsiru jafu aktar dwar id-drittijiet fundamentali kif ukoll il-kompitu li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-uffiċjali tal-UE, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar il-validità tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala liġi li tapplika b’mod dirett. Jipproponi li l-Kummissjoni tal-UE tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ strumenti għal dan il-għan (pereżempju, it-tagħlim elettroniku) sabiex tinħoloq bażi uniformi għall-applikazzjoni tal-liġi;

21.

jinnota li l-Istati Membri tal-UE kollha rratifikaw il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u, għalhekk, għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali msemmijin fit-test tal-Konvenzjoni, anke fil-livelli sottonazzjonali tal-gvern. Barra minn dan, il-pajjiżi kollha tal-UE rratifikaw il-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa (u l-biċċa l-kbira minnhom irratifikaw ukoll il-Karta Soċjali Ewropea aġġornata, li tinkludi aktar drittijiet). Id-drittijiet stabbiliti f’dawn l-istrumenti japplikaw għall-individwi kollha li jgħixu fit-territorju tal-UE, jiġifieri anke ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed joqogħdu fi Stat Membru tal-UE. Ħafna mill-kontenut tagħhom jinsab ukoll fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

22.

huwa tal-fehma li d-drittijiet fundamentali stipulati fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali għandhom jingħataw lill-individwi kollha li jkunu fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom. Dawn jibnu s-sisien għad-dinjità u l-libertà li għandhom jingħataw l-individwi, huma jew mhumiex ċittadini tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jgħoddu wkoll għal kulħadd, anke għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

23.

jenfasizza li wieħed mill-għanijiet importanti tad-drittijiet fundamentali huwa li jipproteġu lid-dgħajfa, bħar-rifuġjati li jippruvaw jidħlu fl-Ewropa, u li għalhekk il-garanzija tad-drittijiet fundamentali tirrikjedi impenn, u kultant anke sagrifiċċju, min-naħa tal-komunità;

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-Unjoni trid tkun eżemplari

24.

jaħseb li l-istrateġija proposta għandha tiġi ċċarata fir-rigward tal-proċessi għall-konsultazzjonijiet preparatorji dwar il-leġislazzjoni proposta. Dawn il-proċessi jridu jitfasslu b’mod ċar sabiex il-valutazzjonijiet tal-impatt ikunu eżatti u utli. Bil-għan li tissaħħaħ id-demokrazija fl-UE, huwa importanti li l-atturi differenti, fosthom il-livell politiku lokali u dak reġjonali, ikunu jistgħu jesprimu fehmiethom;

25.

huwa tal-fehma li d-diversi atturi għandhom jingħataw l-opportunità u żmien biżżejjed fil-konsultazzjonijiet preparatorji biex iressqu l-fehmiet tagħhom. Dawn l-atturi jistgħu jinkludu, pereżempju, il-parlamenti nazzjonali, ombudsmen speċifiċi jew korpi oħra responsabbli għad-drittijiet tal-bniedem. Iżda anke l-livell politiku lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu involuti u jingħataw l-opportunità jesprimu fehmiethom;

26.

huwa tal-fehma li jkun utli li jiġi ċċarat kif id-drittijiet stabbiliti fil-Karta jinfluwenzaw il-leġislazzjoni. Għandhom isiru valutazzjonijiet “reali” tal-impatt, u mhux jiġu pprovduti formulazzjonijiet standard biss. Huwa importanti wkoll li l-Kummissjoni Ewropea tenfasizza l-importanza tar-raġunament biex dan ikun ta’ gwida għall-applikazzjoni. Il-lista proposta fl-istrateġija tista’ tintuża bħala punt tat-tluq biex titkompla l-ħidma;

27.

jaqbel li l-UE u l-livelli kollha tal-gvern fi ħdan l-UE għandhom jagħtu eżempju tajjeb u jaħdmu b’mod attiv għall-garanzija tad-drittijiet fundamentali. Dan ma jgħoddx biss għad-drittijiet fihom innifishom; l-UE għandha taġixxi b’mod deċiżiv u tkun eżemplari għall-pajjiżi ġirien li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem;

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Informazzjoni aħjar għall-pubbliku

28.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-kummenti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-importanza li ċ-ċittadini jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni tajba. Iżda t-tixrid tal-informazzjoni jrid jiġi evalwat biex jiġi stabbilit kemm l-informazzjoni verament qed tasal għand iċ-ċittadini. b’hekk biss jistgħu jiġu evalwati l-effettività u l-aċċessibbiltà reali tagħha;

29.

jiġbed attenzjoni partikolari għall-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tixrid tal-informazzjoni. Il-muniċipalitajiet u r-reġjuni huma atturi u pjattaformi importanti li jilħqu lill-pubbliku u jagħmlu n-nies konxji tad-drittijiet tagħhom. Bis-saħħa ta’ informazzjoni ċara dwar meta tista’ tiġi applikata l-Karta u meta le, jistgħu jiġu evitati l-każi ta’ nies li jifhmu ħażin meta jistgħu jibbażaw fuq il-Karta u meta le;

30.

iħoss li l-informazzjoni li tipprovdi l-UE m’għandhiex tkun f’direzzjoni waħda biss. Il-muniċipalitajiet u r-reġjuni jistgħu jwasslu l-esperjenzi tan-nies b’rabta mal-implimentazzjoni tal-Karta. L-għan tad-djalogu għandu jkun li jinsabu l-modi kif id-drittijiet fundamentali jistgħu jsiru strumenti reali u effettivi għall-membri kollha tas-soċjetà. Il-livell lokali u dak reġjonali jistgħu jaqdu rwol ewlieni hawnhekk, u dan għandu jissemma fl-istrateġija;

31.

jaħseb li aspett importanti f’dan ir-rigward hu l-inizjattivi li jieħdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-esklużjoni. Għalhekk huwa importanti wkoll li fir-rapport annwali l-Kummissjoni tinkludi l-informazzjoni li jkollha s-soċjetà ċivili. Sabiex isir dan, hemm bżonn djalogu regolari biex l-livelli politiċi kollha jiġu involuti fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE jsiru konxji tal-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet fundamentali;

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport annwali

32.

jemmen li r-rapporti annwali proposti, li l-ewwel wieħed minnhom ġie ppubblikat dan l-aħħar, għandhom u ser jaqdu rwol importanti fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-istrateġija għall-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Madankollu, huwa diżappuntat li r-rapport preżenti ma jirreferix għar-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tisħiħ tad-drittijiet fundamentali fl-UE, jew għall-idea ta’ sistema tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali f’diversi livelli. Għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-futur tinvolvi l-livelli politiċi lokali u reġjonali ħafna aktar mill-qrib f’din il-ħidma;

33.

huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġi spjegat sa liema punt il-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE għandha tiġi inkluża fir-rapport annwali, kif ser jiġu evalwati d-diversi proposti leġislattivi, u safejn għandha tasal id-deskrizzjoni ġenerali tal-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-UE li jagħti r-rapport annwali;

34.

huwa tal-fehma li funzjoni importanti tar-rapport annwali għandha tkun li jgħin fl-evalwazzjoni tar-riżultati konkreti li jinkisbu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mill-Istati Membri. L-analiżi li jagħmlu l-livelli politiċi lokali u reġjonali dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tista’ sservi ta’ punt tat-tluq. Ir-Renju Unit, pereżempju, ġie żviluppat strument li jkejjel il-livell ta’ opportunitajiet indaqs u tad-drittijiet tal-bniedem (“Equality Measurement Framework”), u l-Isvezja qed tiżviluppa indikaturi tad-drittijiet tal-bniedem għal-livell lokali u reġjonali. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill Ewropew ukoll bdew jaħdmu fuq l-indikaturi;

35.

jemmen li għandha tingħata attenzjoni akbar lid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini fit-tfassil tar-rapporti ta’ evalwazzjoni, pereżempju fil-ġbir tad-data u fid-definizzjoni tal-kriterji;

36.

jinnota li r-rapport annwali għandu jservi ta’ bażi għal djalogu annwali dwar id-drittijiet fundamentali. Fid-dawl tal-importanza kbira tal-livelli politiċi lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jiġi mistieden jikkoopera f’dan id-djalogu.

Brussell, 12 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/65


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni “Il-pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar il-Gvern Elettroniku 2011–2015”

2012/C 9/12

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa' b'sodisfazzjon it-tfassil tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015. Il-prijoritajiet tal-pjan – servizzi transkonfinali, it-tisħiħ tal-poteri tal-utent, l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ISP), il-parteċipazzjoni elettronika, is-suq uniku onlajn, il-gvern ekoloġiku u l-interoperabbiltà – huma kollha oqsma li fihom ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali huma fl-istess waqt atturi, fornituri u benefiċċjarji;

jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-amministraturi Ewropej biex isaħħu liċ-ċittadini u lin-negozji permezz tas-servizzi tal-gvern elettroniku, kif ukoll aċċess akbar għall-informazzjoni pubblika u trasparenza mtejba. Il-Kumitat jaqbel mal-isforzi li jkabbru l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess politiku, itejbu l-mobbiltà fi ħdan is-suq uniku u jnaqqsu l-burokrazija żejda għall-pubbliku;

jenfasizza li l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tonqos il-firda diġitali u jitwettqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jgħin biex jiġu sodisfatti għadd ta’ bżonnijiet importanti taċ-ċittadini Ewropej fl-oqsma soċjali, kulturali u ekonomiċi;

li filwaqt li s-softwer b'sors miftuħ (open source) kiseb aċċettazzjoni li qed tikber fis-suq, standards miftuħin u interfaċċi miftuħin huma importanti wkoll fl-abilitazzjoni tat-trasferiment u l-użu tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà madwar l-organizzazzjonijiet, is-sistemi u t-tagħmir.

Relatur

Ján ORAVEC (SK/PPE), Sindku ta’ Štúrovo

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011–2015 – L-użu tal-ICT għall-promozzjoni ta’ gvern intelliġenti, sostenibbli u innovattiv

COM(2010) 743 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Is-soċjetà tal-informazzjoni (SI) kienet aċċelleratur tremend tal-progress ekonomiku u soċjali. Filwaqt li jirrikonoxxu dal-fatt, il-pajjiżi u r-reġjuni kollha madwar id-dinja qed idaħħlu t-titjib fl-SI fil-pjani ta’ żvilupp tagħhom u, permezz ta’ azzjoni pubblika, ifittxu li jħaffu t-twaqqif ta’ infrastruttura tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT), jappoġġjaw il-ħolqien tal-kontenut, iħaffu s-servizzi li jiġu offruti u jappoġġjaw liċ-ċittadini biex iżidu l-grad ta’ użu tagħhom. L-Ewropa hija fost il-pijunieri globali f'dan ir-rigward u l-aġenda tagħha għandha tissaħħaħ bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Il-pjan ta’ azzjoni dwar il-gvern elettroniku Ewropew għall-2011-2015 irid jinftiehem bħala t-twettiq fil-prattika tal-miri tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. L-ostakli għal tkabbir aktar dinamiku fil-potenzjal tal-ITCs, li wasslu għal dawn l-inizjattivi huma ċari ħafna fl-Ewropa. Huwa partikolarment importanti li nfittxu li ntejbu l-aċċess għat-teknoloġiji innovattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-eqreb taċ-ċittadini u jipprovdu servizzi fil-lokalità. Irridu nitgħallmu mill-proġetti tal-passat li ma rnexxielhomx jagħtu r-riżultati mistennija.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja

1.

il-proposti fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku li huma rilevanti ħafna għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom iqisu l-ICT bħala element essenzjali biex il-pjan jimxi 'l quddiem. Il-prijoritajiet tal-istrateġija l-ġdida fil-livell lokali u reġjonali jistgħu jappoġġjaw il-kwalità tal-ħajja u l-attività soċjali u ekonomika taċ-ċittadini, kif ukoll jistimolaw servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u personalizzati, u n-negozji lokali. Hemm diversi mezzi li bihom ir-reġjuni u l-bliet jistgħu jappoġġjaw l-iżvilupp sħiħ ta’ dan il-potenzjal;

2.

wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni li huwa il-promozzjoni tal-inklużjoni elettronika – jiġifieri soċjetà tal-informazzjoni inklussiva, u ġusta fil-livelli reġjonali u soċjali li tuża' l-ICT biex iżżid il-kompetittività u ttejjeb is-servizzi pubbliċi.

3.

is-sehem li qed jagħtu l-awtoritajiet lokali u reġjonali f'kollaborazzjoni mifruxa biex titjieb l-interoperabbiltà tas-sistemi governattivi u biex il-provvista tas-servizzi pubbliċi ssir aktar effettiva (1);

Il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa' b'sodisfazzjon

4.

it-tfassil tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku 2011-2015. Il-prijoritajiet tal-pjan – servizzi transkonfinali, it-tisħiħ tal-poteri tal-utent, l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ISP), il-parteċipazzjoni elettronika, is-suq uniku onlajn, il-gvern ekoloġiku u l-interoperabbiltà – huma kollha oqsma li fihom ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali huma fl-istess waqt atturi, fornituri u benefiċċjarji;

5.

l-isforzi tal-amministraturi Ewropej biex isaħħu liċ-ċittadini u lin-negozji permezz tas-servizzi tal-gvern elettroniku, kif ukoll aċċess akbar għall-informazzjoni pubblika u trasparenza mtejba. Il-Kumitat jaqbel mal-isforzi li jkabbru l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess politiku, itejbu l-mobbiltà fi ħdan is-suq uniku u jnaqqsu l-burokrazija żejda għall-pubbliku;

6.

l-approċċ ta’ punt uniku, li ttieħed f'diversi Stati Membri. Il-ħolqien ta’ ċentri tas-servizzi tal-awtoritajiet pubbliċi bħal dawn madwar l-UE jkollhom importanza fundamentali kemm għall-pubbliku kif ukoll għan-negozji fl-Istati Membri tagħha. Madankollu, jeħtieġ li l-ewwel jinħolqu l-kundizzjonijiet adatti għall-gvern elettroniku u fl-istess waqt għandu jkun hemm valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar is-servizzi;

7.

xogħol fejjiedi fuq il-promozzjoni u l-monitoraġġ tas-saħħa pubblika, speċjalment fiż-żoni remoti jew b'aċċess diffiċli. It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ progammi nazzjonali għall-adozzjoni ta’ sistemi diġitali fil-kura tas-saħħa fl-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ħafna l-għoti tas-servizzi tas-saħħa fil-livell lokali, reġjonali jew transkonfinali.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza

8.

li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom rwol importanti f'dan il-proċess, għalhekk:

il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessariji biex jippermettu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġestjoni ta’ inizjattivi relatati mal-ICT (2).

il-potenzjal tal-Ewropa għall-iżvilupp tas-servizzi tal-ICT fis-setturi pubbliċi u privati għandu jintuża kollu, u b'hekk l-ICT għandu jintuża bħala mezz biex itejjeb is-servizzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'oqsma bħalma huma l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-akkwist pubbliku, is-sigurtà u s-servizzi soċjali. Sħubijiet pubbliċi-privati appoġġjati mill-UE bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-SMEs li jiżviluppaw l-ICT fil-qasam tas-servizzi pubbliċi tal-ICT jistgħu jkunu bażi eċċellenti li fuqha jinbnew il-ħiliet u l-għarfien lokali madwar l-UE (3).

fl-iżvilupp ulterjuri tal-infrastrutturi u s-servizz taħt il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku, ikun essenzjali li jiġi żgurat li r-rekwiżiti kollha ta’ sigurtà l-aktar għall-kunfidenzjalità, id-disponibbiltà u l-integrità f'kull livell jiġu sodisfatti biex jassiguraw l-aħjar livelli ta’ privatezza u protezzjoni tad-data personali, jiġi evitat kull traċċar illegali ta’ kwalunkwe tip ta’ informazzjoni u profil (4), inklużi l-preferenzi tax-xiri, l-qagħda medika, l-istorja tas-saħħa, u affarijiet oħra, u biex ma jkun possibbli l-ebda aċċess għas-sistema ta’ pproċessar u ta’ ħżin tal-informazzjoni permezz ta’ metodi magħrufa.

l-iżvilupp ta’ servizzi transkonfinali tal-awtoritajiet pubbliċi jfisser li l-proġetti tal-IT ikkonċernati jridu jkopru aspetti ta’ interoperabbiltà u identifikazzjoni elettronika taċ-ċittadini (Stork), firem elettroniċi, is-servizz elettroniku tad-dokumenti u elementi oħra tal-gvern elettroniku biex dawn jiġu trattati f'kuntest Ewropew: dan huwa wkoll rekwiżit fundamentali biex tiżdied il-mobbiltà individwali taċ-ċittadini fl-UE. L-interoperabbiltà hija parti fundamentali tas-servizzi transkonfinali tal-awtoritajiet pubbliċi li tirrikjedi approċċ internazzjonali, lil hinn mill-ambitu tal-awtoritajiet lokali.

l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jiġu kkonsultati sistematikament fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-miżuri maħsuba li jimplimentaw il-gvern elettroniku madwar l-Ewropa. Ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali għandhom jingħataw rikonoxximent flimkien mal-Istati Membri bħala promoturi ewlenin ta’ kooperazzjoni aktar mill-viċin bejn l-utenti u l-produtturi tal-innovazzjonijiet tal-ICT f'partijiet differenti tal-gvernijiet u l-amministrazzjonijiet (5).

9.

l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ razzjonalizzazzjoni, modernizzazzjoni u tnaqqis ta’ piżijiet amministrattivi bħala azzjoni prijoritarja sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż, kif ukoll ir-razzjonalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u s-servizzi, li jixprunaw l-attività ekonomika, inaqqsu l-proċeduri u l-formalitajiet burokratiċi u jiffaċilitaw ukoll ir-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini u l-amministrazzjoni, jgħinu fit-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi tal-attivitajiet intraprenditorjali, fit-titjib tal-kompetittività tal-intrapriżi u biex jiġi stimulat l-iżvilupp tagħhom;

10.

il-prinċipji li fuqhom huwa bbażat il-pjan ta’ azzjoni – il-ftuħ, il-flessibbiltà u l-kooperazzjoni fil-kuntatti bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej u l-pubbliku – huma tal-akbar importanza għal implimentazzjoni b'suċċess;

11.

li l-idea tat-trasparenza hija partikolarment importanti hawnhekk, peress li “se jippermettu li ċ-ċittadini jkollhom aċċess elettroniku għal dik id-data personali li hija disponibbli fuqhom meta tkun disponibbli elettronikament” (6). Din l-informazjoni llum diġà hija aċċessibbli għaċ-ċittadini. Madankollu, il-Kumitat tar-Reġjuni jesprimi xi riservi dwar il-proposta tal-Kummissjoni li ċ-ċittadini jiġu infurmati b'mod elettroniku mill-2014 'l quddiem kull meta d-data tagħhom tkun ipproċessata b'mod awtomatiku. Informazzjoni ta’ dan it-tip għandha biss tiġi trasmessa jekk tkun utli għaċ-ċittadini u jekk l-ispejjeż relatati jkunu proporzjonati;

12.

li l-involviment aktar mill-qrib tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jista' jagħmilha possibbli li l-potenzjal sħiħ tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku jintuża hekk kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jieħdu rwol importanti fl-appoġġ ta’ dan l-użu sabiex tiżdied il-kompetittività u jinħolqu impjiegi ġodda (7).;

13.

li l-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-gvern elettroniku jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex tonqos il-firda diġitali u jitwettqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li jgħin biex jiġu sodisfatti għadd ta’ bżonnijiet importanti taċ-ċittadini Ewropej fl-oqsma soċjali, kulturali u ekonomiċi (8);

14.

li d-dħul madwar l-Ewropa tal-prinċipju li d-dettalji tan-nies u d-dettalji tal-oġġetti jiġu reġistrati darba biss, mingħajr il-ħtieġa ta’ mili ta’ formoli repetuti, jkun pass kbir biex tonqos il-burokrazija żejda għall-pubbliku u b'mod ġenerali biex jonqsu l-ispejjeż amministrattivi. F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi żgurat li l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data tibqa' tiġi rispettata;

15.

lit-tneħħija tal-inugwaljanzi, li għadhom jeżistu f'partijiet varji tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fir-reġjuni ultraperiferiċi, fl-aċċess tan-nies u l-livell tat-tagħmir hija rekwiżit fundamentali għal użu aħjar tal-ICT. Dan huwa partikolarment il-każ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, fejn mhux biss hemm differenzi kbar bejn reġjuni differenti fl-istess pajjiż, iżda wkoll bejn awtoritajiet lokali skont id-daqs tagħhom. Hemm tendenza li bliet u rħula żgħar jinsabu ħafna aktar lura meta jiġu biex jilħqu l-kapaċità teknika, organizzattiva, u tal-persunal meħtieġa biex jestendu l-użu tal-ICT. Għalhekk irid jibda x-xogħol fuq l-offerta ta’ pjattaformi unifikati għall-provvista tas-servizzi tal-kunsilli lokali u muniċipali fil-forma ta’ softwer bħala servizz (SaaS). Dan jirrikjedi l-użu tal-iżviluppi attwali fl-IT bħall-virtwalizzazzjoni u l-cloud computing, li jnaqqsu l-ispejjeż u l-ħin biex isiru l-proġetti. Dawn l-iżviluppi għandhom essenzjalment ikunu bbażati fuq pjattaformi eżistenti u fuq l-użu ta’ softwer tat-tip open source;

16.

li d-dokument għandu jisħaq b'mod partikolari fuq il-ħtieġa li tingħalaq il-firda bejn ir-reġjuni, jew tal-anqas li din ma tkomplix tikber. Aħna konxji b'mod partikolari mir-riskju li l-proġetti tal-gvern elettroniku jiġu adottati u implimentati biss f'ċerti reġjuni;

17.

li servizzi transkonfinali bla tfixkil u li jippermettu lin-negozji jipprovdu servizzi u prodotti madwar l-UE (SPOCS – Simple Procedures Online for Crossborder Services – Proċeduri Sempliċi Onlajn għas-Servizzi Transkonfinali) permezz ta’ akkwist pubbliku faċli (PEPPOL – Pan-European Public Procurement Online – Akkwist Pubbliku Pan-Ewropew Onlajn) ikunu stimolu kbir għat-tkomplija tal-iżvilupp tan-negozji fl-UE;

18.

li filwaqt li s-softwer b'sors miftuħ (open source) kiseb aċċettazzjoni li qed tikber fis-suq, standards miftuħin u interfaċċji miftuħin huma importanti wkoll fl-abilitazzjoni tat-trasferiment u l-użu tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà madwar l-organizzazzjonijiet, is-sistemi u t-tagħmir;

19.

li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom sehem importanti ħafna fl-espansjoni tal-aċċess għall-broadband fiż-żoni fejn is-suq ma jirnexxielux (9);

20.

jappoġġja r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar Il-Broadband Ewropew: investiment fi tkabbir ekonomiku mmexxi diġitalment (10) u b'mod partikolari jappoġġja l-fehma li l-obbligu ġenerali ta’ servizz jaf jagħti kontribut essenzjali għall-iżvilupp tal-komunikazzjoni bil-broadband fiż-żoni rurali.

21.

li l-aċċess għal servizzi tal-broadband ta’ kwalità għolja u bi prezz raġonevoli jista' jżid l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali – u fil-każ tal-mikrointrapriżi u l-SMEs jiffaċilita l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti. Reġjuni u bliet imbiegħda, b'mod speċjali dawk ultraperiferiċi, huma mistennija li jibbenefikaw b'mod konsiderevoli minn aċċess usa' u iktar veloċi għas-servizzi tal-broadband (11);

22.

li b'hekk l-aċċess għall-broadband ikun jista' jpatti għad-diffikultajiet li jirriżultaw minħabba l-iżolament taż-żoni rurali, permezz ta’ komunikazzjoni aħjar bejn l-amministrazzjoni u l-utenti – kemm dawk privati kif ukoll dawk kummerċjali (12);

23.

li s-servizzi tal-Gvern elettroniku li għandhom jiġu żviluppati għandhom jinkludu oqsma bħal: relazzjonijiet bejn l-utenti u l-amministrazzjoni; il-kontribut tal-amministrazzjonijiet fit-tisħiħ tad-dibattitu pubbliku (disseminazzjoni ta’ informazzjoni pubblika essenzjali, fora pubbliċi, konsultazzjonijiet onlajn u – b'mod aktar wiesa' – mekkaniżmi ġodda ta’ konsultazzjoni pubblika); il-kuntatti bejn il-kumpaniji u l-amministrazzjoni (bħal notifiki ta’ data soċjali, notifiki ta’ reklutaġġ, trasferimenti tat-taxxa u kontabbiltà tad-data); l-applikazzjoni tat-tekniki tal-kummerċ elettroniku fl-isfera tal-akkwist pubbliku (akkwist elettroniku); u l-metodi ta’ ħidma u organizzazzjoni ġodda fi ħdan l-amministrazzjonijiet (trasformazzjoni tal-impjiegi, ħidma kooperattiva, teleworking);

24.

il-miżuri intiżi biex jagħtu lil kull ċittadin Ewropew aċċess għall-broadband bażiku sal-2013 u broadband rapidu u ultrarapidu sal-2020, b'konformità mal-impenji tal-UE fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, għandhom jiġu implimentati mill-aktar fis;

25.

li, meta niġu għall-użu tal-potenzjal tal-gvern elettroniku biex jonqos l-impatt tal-karbonju, ir-reġjuni u l-bliet jista' jkollhom rwol ta’ tmexxija fl-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet tal-ICT għall-azzjoni lokali, l-iskambji dwar l-aqwa prattiki fit-teknoloġija, l-identifikazzjoni ta’ msieħba fil-proġetti, l-allokazzjoni tal-fondi għall-investiment fl-għodod tal-ICT, il-kejl tal-progress u l-komunikazzjoni tas-suċċess.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni

26.

għall-importanza partikolari tas-settur tas-servizzi biex jinkisbu l-benefiċċji tal-ICT, peress li l-industriji bħall-kummerċ bil-grossa u bl-imnut u s-servizzi finanzjarji u tan-negozju huma fost l-aktar investituri importanti fl-ICT (13);

27.

li l-persistenza tal-firda diġitali qed tgħarraq is-sitwazzjoni tal-esklużjoni soċjali u d-diverġenza ekonomika. Għalhekk il-ħolqien ta’ opportunitajiet ugwali fil-qasam diġitali huwa essenzjali għal raġunijiet kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi. F'dan id-dawl, l-inklużjoni elettronika hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku 2011–2015 u b'hekk l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 (14) fil-qasam tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

28.

li l-provvista tal-protezzjoni tal-privatezza tiddependi minn ċerti fatturi, inkluż l-istrutturar tal-korpi tas-settur pubbliku (li l-maġġoranza tagħhom tinsab fil-livell lokali), il-konverġenza tal-leġislazzjoni tal-UE, it-trawwim ta’ kultura innovattiva fost l-uffiċjali tal-awtoritajiet pubbliċi, fosthom l-użu ta’ kodiċi komuni tal-etika, u fost iċ-ċittadini, permezz tad-definizzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi diġitali u s-sensibilizzazzjoni dwarhom, u l-ġestjoni tal-applikazzjonijiet bbażati fuq l-ICT (15);

29.

il-ħtieġa li jiġi żgurat li r-rekwiżiti tas-sigurtà jiġu sodisfatti fil-livelli kollha hekk kif tkun qed tiġi installata l-infrastruttura tal-internet u jiġu żviluppati s-servizzi relatati. Dan jiggarantixxi l-ħarsien massimu tal-privatezza u tad-data personali u l-prevenzjoni ta’ kull monitoraġġ mhux awtorizzat ta’ data personali u tal-profili, inklużi l-preferenzi fix-xiri, id-drawwiet, il-kundizzjoni medika, l-istorja medika u affarijiet oħra (16);

30.

li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u fil-protezzjoni tas-sigurtà tad-data. Għandhom jipparteċipaw fil-ġbir tad-data dwar l-istatistika taċ-ċiberkriminalità u fit-taħriġ tal-persunal;

31.

li, rigward il-prinċipju ta’ suq kompetittiv tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-fornituri tas-servizzi privati jiffaċċjaw l-istess kundizzjonijiet bħall-istituzzjonijiet pubbliċi, li jiġi permess l-aċċess għall-informazzjoni pubblika mill-utenti privati, kif ukoll li jkunu indikati b'mod ċar il-kundizzjonijiet li bihom din id-data tista' tintuża għal skopijiet kummerċjali (17);

32.

li, fil-governanza tal-proċess li fuqhom huwa bbażat il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku u l-politiki pubbliċi relatati, l-azzjoni kkoordinata mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li tirrispetta għal kollox il-prinċipju tas-sussidjarjetà, hija ta’ importanza kbira ħafna, kif indika l-KtR fil-White paper tiegħu dwar il-governanza f'livelli differenti (18).

Il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota

33.

li l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-gvernijiet għandhom bżonn jaħdmu flimkien biex jiżguraw il-bidu ta’ ċirku virtwuż ta’ titjib fir-riżorsi umani, tibdil organizzattiv, ICT u produttività u li l-ICTs jiġu żviluppati u użati b'mod effettiv. Politiki mmirati li jtejbu l-litteriżmu bażiku diġitali, il-bini ta’ ħiliet f'livell għoli, il-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja fl-ICT, u t-titjib fil-ħiliet tal-ġestjoni kif ukoll dawk fin-netwerking meħtieġa għall-użu effettiv tal-ICT huma partikolarment rilevanti (19) u jinsabu fost il-kompetenzi ewlenin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

34.

li, f'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea ssemmi għadd impressjonanti ta’ azzjonijiet li għandhom jittieħdu taħt il-kappa tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Gvern elettroniku.

35.

li, kif inhuma, il-miżuri u l-azzjonijiet previsti mill-komunikazzjoni ma jidhrux li jqajmu problemi dwar il-konformità tagħhom mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li ma jaqbżux dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-miri intiżi. Kemm jista' jkun għandu jiġi evitat kull piż żejjed li l-miżuri jista' jkollhom fuq l-Istati Membri u dan il-piż għandu jkun soġġett għal valutazzjoni ta’ kosteffettività;

36.

li l-forom ta’ azzjoni proposti (miżuri ta’ politika ħfief – soft policy measures) huma sempliċi kemm jista' jkun biex jilħqu l-għanijiet intiżi u jħallu kemm jista' jkun spazju għad-deċiżjonijiet nazzjonali (fosthom dawk reġjonali);

37.

li l-miżuri speċifiċi li jridu jiġu implimentati għandhom jiġu osservati mill-qrib u vvalutati, biex jiġi żgurat li ma jaqbżux dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet iffissati u li l-Istati Membri jżommu l-akbar marġni għat-teħid tad-deċiżjonijiet filwaqt li n-negozji ma jkollhomx piżijiet bla bżonn. Għal dan il-għan trid tiddaħħal sistema ta’ proċeduri ta’ monitoraġġ.

38.

li l-ksur tas-sigurtà huwa theddida għas-servizzi ta’ utilità (ilma, enerġija, kumpaniji tal-enerġija ekoloġika lokali u oħrajn);

39.

li l-ġestjoni tat-tibdil fil-klima hija waħda mill-aktar sfidi politiċi importanti quddiem l-awtoritajiet lokali u reġjonali għas-snin li ġejjin u li biex jinkisbu l-miri ambizzjużi għall-2020 hemm bżonn li s-soluzzjonijiet li jużaw l-ICT jkunu faċilment disponibbli kif ukoll li jintużaw b'mod komplut;

40.

li r-reġjuni, l-istess bħall-awtoritajiet lokali, huma atturi ewlenin fil-qasam tal-ICT għat-tkabbir sostenibbli peress li huma responsabbli għal għadd ta’ attivitajiet li jirrigwardaw l-ippjanar, l-għoti ta’ permessi, l-investiment, l-akkwist, il-produzzjoni u l-konsum. It-trasport, id-djar u l-bini pubbliku, u l-infrastruttura tad-dawl pubbliku, li huma ppjanati u pprovduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, huma oqsma li fihom jista' jsir kemm tnaqqis importanti tas-CO2 kif ukoll iffrankar tal-enerġija. Barra minn hekk, il-potenzjal kbir tal-ICTs biex itejjeb l-effiċjenza enerġetika jsaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea u jkabbar l-opportunitajiet tan-negozju fil-livell lokali u reġjonali.

Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda

41.

li l-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet tal-Istati Membri għandhom iħeġġu b'mod attiv l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-użu tal-innovazzjonijiet tal-ICT fis-settur pubbliku, l-aktar billi jippromovu l-aħjar prattiki Ewropej u jipprovdu pariri u rakkomandazzjonijiet metodoloġiċi (20).

42.

li għandu jiġi provdut taħriġ estensiv tal-persunal kollu, speċjalment tekniċi speċjalizzati (eżempju fin-netwerks, is-sistemi, is-sigurtà, il-privatezza, eċċ), persunal li jaħdem direttament ma’ proċeduri tas-sigurtà bl-użu ta’ metodoloġiji differenti u persunal li b'mod ġenerali jew indirett jipparteċipa fl-inizjattivi tal-innovazzjoni u l-immodernizzar (eżempju it-tagħlim tal-litteriżmu diġitali lill-konsumaturi) dwar kwistjonijiet marbutin mal-fiduċja u s-sigurtà (21);

43.

li ser tiġi żviluppata Valutazzjoni tal-Impatt tal-Informazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u ser tiġi inkluża fil-kodiċi tal-kondotta tar-relazzjonijiet intergovernattivi biex tevalwa l-impatt ta’ politiki ġodda u leġislazzjonijiet ġodda fuq il-muniċipalitajiet u r-reġjuni li jirrikjedu tibdil fil-ġestjoni tal-informazzjoni u l-adattament ta’ teknoloġiji ġodda. Il-valutazzjoni tal-impatt tas-sistemi tal-informazzjoni għandha l-għan li:

tiddetermina fi stadju bikri biżżejjed jekk liġi tistax tiġi infurzata fil-prattika;

tinvestiga kif il-komponenti tal-gvern elettroniku jistgħu jikkontribwixxu għal proċess ta’ implimentazzjoni bla xkiel;

tiddetermina l-appoġġ adegwat meħtieġ għall-implimentazzjoni, fid-dawl tal-livelli attwali ta’ żvilupp u l-kapaċità ta’ adattament tal-muniċipalitajiet.

44.

li tingħata aktar attenzjoni lis-sensibilizzazzjoni fil-livell reġjonali lokali, minħabba fin-nuqqas ta’ għarfien u/jew ta’ mekkaniżmi biex l-informazzjoni disponibbli għall-użu mill-ġdid tiġi identifikata biex il-korpi pubbliċi jkunu jistgħu jkunu aktar trasparenti u jippromovu l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-servizzi pubbliċi (22);

45.

l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ewropa jużaw b'mod estensiv l-opportunitajiet tal-ICT biex jgħelbu l-isfidi ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u b'hekk itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, jżommuhom integrati mal-komunitajiet lokali u jippromovu l-kompetittività lokali u reġjonali permezz tal-provvista ta’ servizzi personalizzati (23).

Brussell, 12 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 10/2009 fin.

(2)  CdR 283/2008 fin.

(3)  CdR 156/2009 fin.

(4)  CdR 104/2010 fin.

(5)  COM(2009) 116 finali

(6)  COM(2010) 743 finali

(7)  CdR 247/2009 fin.

(8)  CdR 14/2010 fin.

(9)  CdR 5/2008 fin.

(10)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P7-TA-2011-0322&language=MT

(11)  CdR 252/2005 fin.

(12)  CdR 14/2010 fin.

(13)  The Economic Impact of ICT: Measurement, Evidence and Implications (L-impatt ekonomiku tal-ICT: il-kejl, l-evidenza u l-implikazzjonijiet), OECD Publishing (2004).

(14)  COM(2010) 2020.

(15)  CdR 247/2009 fin.

(16)  CdR 247/2009 fin.

(17)  CdR 247/2009.

(18)  CdR 89/2009 fin.

(19)  The Economic Impact of ICT Measurement, Evidence and Implications (L-impatt ekonomiku tal-ICT: il-kejl, l-evidenza u l-implikazzjonijiet), OECD Publishing (2004).

(20)  CdR 156/2009 fin.

(21)  CdR 104/2010 fin.

(22)  CdR 247/2009.

(23)  CdR 84/2007 fin.


11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/71


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-mobbiltà Ewropea u internazzjonali għall-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea”

2012/C 9/13

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jindika li, fid-dawl tal-kuntatt mill-qrib li l-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu ta’ kuljum kemm mal-pubbliku kif ukoll mar-rappreżentanti eletti fil-livell lokali, il-mobbiltà fil-qafas tat-taħriġ tul il-ħajja permezz ta’ sekondar temporanju f'awtoritajiet lokali jew reġjonali oħra tista' ssaħħaħ ir-rwol tagħhom fit-trażmissjoni tal-messaġġ Ewropew;

jindika li l-mobbiltà fil-livell Ewropew u dak internazzjonali tal-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tista' tgħin lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu amministrazzjonijiet moderni u effikaċi bl-istrutturi, ir-riżorsi umani u l-kompetenzi ta’ tmexxija meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE;

jindika li l-mobbiltà ser tgħin biex jitnaqqsu l-ostakli lingwistiċi fl-Ewropa billi tħeġġeġ lill-impjegati taċ-Ċivil u l-persunal l-ieħor jitgħallmu aktar lingwi;

jiġbed l-attenzjoni għall-aktar sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, li tistipola li dawk li huma impjegati minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru u jiġu trasferiti għal awtorità pubblika oħra, m'għandhomx ibatu minn “tnaqqis fis-salarju sostanzjali” minħabba s-sempliċi fatt tat-trasferiment.

Relatur

Is-Sinjura LACOMBE (FR/PSE), Kunsillier ġenerali tal-Puy-de-Dôme

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.   Kummenti ġenerali

Għaliex il-Kumitat tar-Reġjuni ddeċieda li jiddedika opinjoni fuq inizjattiva proprja għal dan is-suġġett

1.

ifakkar li t-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ id-dimensjoni territorjali tal-integrazzjoni Ewropea u jipprovdi bażi leġittima għat-twettiq tal-governanza f'diversi livelli, li dwarha l-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-governanza f'diversi livelli tipproponi għadd ta’ azzjonijiet (1);

2.

ifakkar li, sabiex l-Istrateġija Ewropa 2020 issir kompletament operattiva, jeħtieġ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tagħha, inklużi l-inizjattivi ewlenin “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi” (2) u ż-“Żgħażagħ Attivi” (3);

3.

iqis li t-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tkabbir tal-UE, il-politika tal-viċinat u r-relazzjonijiet esterni, b'mod partikolari l-għajnuna għall-iżvilupp, permezz ta’ kooperazzjoni deċentralizzata, kif tispeċifika l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-awtoritajiet lokali: atturi għall-iżvilupp” (4), ser jeħtieġu li r-riżorsi umani jiġu adattati sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw u jantiċipaw il-politiki pubbliċi Ewropej;

4.

jindika li, fid-dawl tal-kuntatt mill-qrib li l-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu ta’ kuljum kemm mal-pubbliku kif ukoll mar-rappreżentanti eletti fil-livell lokali, il-mobbiltà fil-qafas tat-taħriġ tul il-ħajja permezz ta’ sekondar temporanju f'awtoritajiet lokali jew reġjonali oħra tista' ssaħħaħ ir-rwol tagħhom fit-trażmissjoni tal-messaġġ Ewropew;

5.

josserva li s-settur pubbliku jirrappreżenta madwar 20,3 % tas-suq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea (5). Il-mobbiltà tal-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-għan li tippromovi l-iskambju tal-esperjenza u tal-għarfien b'relazzjoni max-xogħol, tidħol fil-qafas tal-moviment liberu tal-ħaddiema ġewwa l-UE, bħalma jistipola l-Artikolu 45 tat-TFUE, u hija element essenzjali taċ-ċittadinanza tal-UE;

6.

ifakkar fl-impenn tal-KtR favur il-mobbiltà, kemm edukativa kif ukoll professjonali; barra mill-kontribut importanti tagħha għall-iżvilupp tal-ħaddiema fil-livell personali u f'dak professjonali, il-mobbiltà tieħu sehem fit-tisħiħ tal-identità Ewropea filwaqt li ttejjeb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea (6);

7.

jindika li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma direttament responsabbli għat-tfassil u l-provvista tas-servizzi pubbliċi u għandhom ukoll jiżguraw li l-amministrazzjoni tiffunzjona bl-akbar effikaċja possibbli. Il-livell lokali u dak reġjonali għandhom għarfien u esperjenza kbira. Huwa f'dan il-livell li l-iskambju tal-aħjar prattika ser jagħmilha possibbli li jinsab l-akbar għadd ta’ approċċi innovattivi;

8.

jinnota n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ mobbiltà Ewropea u internazzjonali għall-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dan ma jiffaċilitax l-iskambji bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

X'jistgħu jkunu l-konsegwenzi pożittivi tal-mobbiltà Ewropea u internazzjonali tal-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali?

9.

jindika li l-mobbiltà fil-livell Ewropew u dak internazzjonali tal-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tista' tgħin lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu amministrazzjonijiet moderni u effikaċi bl-istrutturi, ir-riżorsi umani u l-kompetenzi ta’ tmexxija meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE;

10.

isostni li l-mobbiltà transnazzjonali tikkontribwixxi għall-koeżjoni. L-impjegati taċ-Ċivil li jieħdu sehem fil-programmi tal-mobbiltà jaħdmu b'mod dirett jew indirett biex itejbu s-soċjetà għal kulħadd, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali. Ir-riċerka turi li l-“kapital soċjali” għandu effett dirett u pożittiv fuq il-livelli ta’ tkabbir fir-reġjuni Ewropej (7);

11.

jenfasizza li, flimkien mal-governanza demokratika li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-pubbliku kkonċernat, il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali hija fattur b'saħħtu għall-iżvilupp territorjali, minħabba d-diversità tas-setturi ta’ intervent tagħha u tal-atturi pubbliċi u privati li tista' tattira. Din il-kooperazzjoni tista' tistimula wkoll l-organizzazzjoni tal-produzzjoni, tan-netwerks kummerċjali u tal-attivitajiet ekonomiċi li huma ta’ benefiċċju għall-popolazzjonijiet lokali u għall-ambjent;

12.

jindika li l-mobbiltà ser tgħin biex jitnaqqsu l-ostakli lingwistiċi fl-Ewropa billi tħeġġeġ lill-impjegati taċ-Ċivil u l-persunal l-ieħor jitgħallmu aktar lingwi;

13.

jisħaq fuq ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali favur il-mobbiltà transkonfinali u l-kontribut ta’ din il-mobbiltà kemm għat-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea kif ukoll sabiex il-pajjiżi kandidati jsiru midħla tal-acquis Komunitarju. Peress li l-esperjenza u l-għarfien tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huma mifruxa ħafna fil-qasam amministrattiv, huwa proprju f'dan il-livell li jinsabu l-aħjar soluzzjonijiet u li jittieħed impenn favur sħubijiet importanti;

2.   Il-miżuri li għandhom jiġu kkunsidrati

14.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-promozzjoni tal-mobbiltà Ewropea u internazzjonali tal-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex titjieb il-kooperazzjoni bejn il-bliet u r-reġjuni, billi tistabbilixxi bażi tad-data f'forma ta’ portal elettroniku li jiġbor fih l-aħjar prattika, il-proġetti, l-offerti ta’ mobbiltà u l-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi ta’ din il-mobbiltà. Il-Kummissjoni Ewropea tista' tibbaża din il-ħidma fuq it-tagħrif li jeżisti diġà fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u tagħti aċċess għalih lill-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

15.

jenfasizza li r-rwol dejjem jikber tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-għajnuna għall-iżvilupp u tal-programmi ta’ kooperazzjoni internazzjonali mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jiġi kkunsidrat aħjar (8);

16.

jitlob li r-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-kooperazzjoni jiġi kkunsidrat aħjar minħabba l-parteċipazzjoni qawwija tagħhom f'dan il-qasam. Dawn l-awtoritajiet, li jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà, jidhru li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jippromovu l-aċċess għall-mobbiltà. Fil-fatt, huma għandhom jieħdu sehem fl-iżvilupp ta’ programmi ta’ kooperazzjoni, li jitfasslu flimkien mal-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jġestixxu l-politiki pubbliċi lokali u Ewropej;

17.

jipproponi li l-uffiċjali Ewropej jkunu jistgħu wkoll jiġu ssekondati fl-awtoritajiet lokali u reġjonali;

18.

isostni li din l-opinjoni għandha tikkonċerna wkoll lill-uffiċjali u l-persunal l-ieħor tar-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT). Fil-fatt, il-mobbiltà Ewropea u internazzjonali tista' tiġi ttestjata l-aktar fit-territorji transkonfinali. Dawn it-territorji jistgħu jaqdu rwol ta’ laboratorji Ewropej f'dan il-kuntest. F'dan ir-rigward, l-UE għandha tagħti l-appoġġ tagħha għall-iżvilupp ta’ servizzi ta’ informazzjoni għall-ħaddiema transkonfinali peress li dan ikun fattur ta’ mobbiltà importanti;

19.

japella lill-Istati Membri sabiex, fejn għadu mhux il-każ, wara li jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali, jadottaw dispożizzjonijiet legali li jippermettu l-mobbiltà Ewropea u internazzjonali tal-impjegati tagħhom, kemm permanenti kif ukoll temporanji, li jaħdmu fl-awtoritajiet lokali u reġjonali, u li jippermettulhom ukoll jilqgħu fi ħdanhom impjegati li jkunu ġejjin minn awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ Stati Membri oħra. L-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip hija utli sabiex jiġu definiti sew id-drittijiet u l-obbligi tal-persunal issekondat. Id-dispożizzjonijiet qafas huma wkoll essenzjali sabiex jiġu definiti kriterji ta’ mobbiltà, fosthom il-kompetenzi professjonali u lingwistiċi meħtieġa, it-tul tal-issekondar, il-paragunabbiltà bejn l-awtorità lokali jew reġjonali ospitanti u dik ta’ oriġini, kif ukoll il-valur miżjud li s-sekondar iġib miegħu għall-awtoritajiet lokali u reġjonali involuti;

20.

jiġbed l-attenzjoni għall-aktar sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (9), li tistipola li dawk li huma impjegati minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru u jiġu trasferiti għal awtorità pubblika oħra, m'għandhomx ibatu minn “tnaqqis sostanzjali sostanzjali fis-salarju” minħabba s-sempliċi fatt tat-trasferiment;

21.

jenfasizza l-fatt li, minħabba l-għadd kbir ta’ impjegati nisa fis-settur pubbliku, il-miżuri kollha għandhom iqisu l-importanza tat-tisħiħ tal-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, anke permezz ta’ aċċess għal kura adegwata għal persuni adulti dipendenti u tfal, sabiex aktar nisa jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-programmi ta’ mobbiltà;

22.

jenfasizza li jkun utli li l-Kummissjoni Ewropea, b'kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet Ewropej ikkonċernati, tħejji rendikont tal-qagħda tal-mobbiltà tal-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali matul dawn l-aħħar ħames snin, inklużi valutazzjoni tal-valur miżjud għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-ksib ta’ kompetenzi ġodda għall-maniġers fil-livell ta’ ġestjoni ta’ proġetti kumplessi;

23.

jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea, b'koordinazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni, torganizza “laqgħat tal-mobbiltà” fejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jidħlu f'kuntatt ma’ xulxin, sabiex b'hekk ikun jista' jsir djalogu bejn il-membri tal-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jinsabu f'sitwazzjoni ta’ mobbiltà u dawk li jixtiequ jħaddnu karriera barra minn pajjiżhom. Jista' jinħoloq premju tal-mobbiltà (“Mobilis”) li jingħata lill-awtoritajiet lokali u reġjonali li jixtiequ jieħdu impenn favur il-mobbiltà;

24.

jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea twettaq analiżi tal-fattibbiltà sabiex biż-żmien toħloq programm ta’ skambji Ewropej tal-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

25.

jitlob li l-appoġġ finanzjarju għall-mobbiltà tal-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (li bħalissa jsir permezz ta’ programmi bħal INTERREG IVC, URBACT u CARDS) jinżamm fil-perspettivi finanzjarji l-ġodda tal-UE;

26.

jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tniedi kampanja ta’ informazzjoni dwar il-valur miżjud tal-mobbiltà tal-persunal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex tħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll ma’ dawk tal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni fl-UE u dawk ta’ pajjiżi terzi.

Brussell, 12 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 89/2009 fin.

(2)  COM(2010) 682 finali.

(3)  COM(2010) 477 finali.

(4)  CdR 312/2008 fin.

(5)  SEG(2010) 1609 finali.

(6)  CdR 292/2010 fin.

(7)  Beugelsdijk & van Schaik, Social Capital and Regional Economic Growth, 2003.

(8)  CdR 408/2010 fin.

(9)  Kawża Scattolon C-108/10.


11.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 9/74


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport”

2012/C 9/14

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali minn dejjem irrikonoxxew u użaw il-potenzjal edukattiv tal-isport, billi inkorporawh f'politiki tal-edukazzjoni u miżuri sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja, inkluż f'termini ta’ saħħa pubblika;

jilqa' b'sodisfazzjon, b'mod partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ħadet azzjoni biex tappoġġja l-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni fil-qasam tal-isport;

jenfasizza l-valuri etiċi tal-isport u b'mod partikolari l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu mgħallma jifhmu l-“valur f'li wieħed jitlef” u l-prinċipju ta’ “logħob ġust”, ibda b'dawk li jħarrġu u t-tekniċi li jridu jgħallmu bl-eżempju, sabiex jitwaqqfu inċidenti mhux xierqa jew li jmorru kontra l-prinċipji edukattivi;

jenfasizza l-valur soċjetali ta’ inizjattivi sportivi bħall-Olimpijadi Speċjali u l-Para-Olimpijadi, li jżidu aktar l-inklużjoni soċjali ta’ persuni b'diżabilitajiet, jikkontribwixxu fuq livelli varji għall-indipendenza personali tagħhom;

jipproponi li jiġu appoġġjati inizjattivi innovattivi sabiex tiġi inkoraġġuta l-attività fiżika fl-iskejjel, preferibbilment bejn l-età ta’ erba' snin u erbatax-il sena, fil-qafas tat-tagħlim tul il-ħajja;

jappella li l-opportunitajiet li joffri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jintużaw kemm jista' jkun biex jiġu appoġġjati l-infrastruttura u l-attivitajiet sportivi u li l-opportunitajiet li joffri l-Fond Soċjali Ewropew jintużaw biex jitjiebu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema fis-settur tal-isport.

Relatur

Is-Sur Roberto PELLA (IT/PPE), Membru tal-Kunsill ta’ Valdengo, Membru tal-Kunsill Eżekuttiv tal-belt ta’ Biella

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport

COM(2011) 12 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kuntest ġenerali

1.

Jesprimi l-apprezzament ġenerali tiegħu għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport (1), li ssegwi l-White Paper dwar l-Isport (2) u li tikkwota l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bħala l-bażi legali għal azzjoni tal-UE. Il-Komunikazzjoni tindirizza 15-il prijorità, raggruppati flimkien f'erba' taqsimiet ewlenin, jiġifieri r-rwol tal-isport fis-soċjetà; id-dimensjoni ekonomika tal-isport; l-organizzazzjoni tal-isport u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ għaqdiet internazzjonali fil-qasam tal-isport.

2.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-konferma tal-Kummissjoni Ewropea tal-prinċipji mfissra fil-White Paper dwar l-Isport, jiġifieri li sabiex tiġi implimentata strateġija ta’ suċċess, il-miżuri fil-qasam tal-isport iridu jkunu koordinati mal-miżuri fis-setturi relatati: saħħa, edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ, żvilupp u koeżjoni reġjonali, inklużjoni soċjali, impjieg, ċittadinanza, ġustizzja, affarijiet interni, riċerka, suq intern u kompetizzjoni.

3.

Jenfasizza li l-Artikolu 165 tat-TFUE jirriferi wkoll għat-“tmexxija 'l quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej tal-Isports”, fuq liema bażi l-Kummissjoni Ewropea setgħet tikkunsidra wkoll it-tressiq ta’ arranġamenti ġodda għall-infiq taħt il-Perspettivi Finanzjarji attwali, bħal programm tal-isports tal-UE ta’ sentejn.

4.

Itenni l-punt tal-Kummissjoni Ewropea li l-Artikolu 165 tat-TFUE jirrikonoxxi n-natura speċifika tal-isport, rikonoxxut ukoll fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u jitlob biex it-tfassil u l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE jqisu n-natura speċifika tal-isport.

5.

Jenfasizza b'sodisfazzjon li l-Artikoli 6 u 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħtu rwol ta’ appoġġ, ta’ koordinazzjoni u komplementari lill-UE fil-qasam tal-isport; dan jagħti spinta ġdida biex tiġi żviluppata dimensjoni Ewropea tal-isport. Filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-awtonomija tal-istrutturi li jirregolaw l-isport, l-azzjonijiet Ewropej jagħtu valur miżjud Ewropew lill-inizjattivi tal-isport tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala katalisti għal impatt dejjem iżjed qawwi tal-azzjonijiet fil-qasam tal-isport.

6.

Jenfasizza li l-isport u l-organizzazzjonijiet nazzjonali, Ewropej u internazzjonali li jiġġestixxu l-qasam u jirregolawh (il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, il-kumitati Olimpiċi nazzjonali, u l-assoċjazzjonijiet tal-isport kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà u tal-isport għal kulħadd) jistgħu jagħtu kontribut effettiv sabiex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi fit-tul tal-UE, b'mod partikolari l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, u biex jinħolqu prospetti ġodda għall-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ.

7.

Jenfasizza r-rwol tal-isport fil-ħolqien ta’ identità Ewropea, kif ukoll fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija.

8.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ġew rikonoxxuti l-kumplessità u l-importanza li l-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-Kunsill) jagħtu lill-proposti għal azzjoni konġunta fil-qasam tal-isport u għal kooperazzjoni informali bejn l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat skambju kontinwu ta’ prattika tajba u tixrid ta’ informazzjoni dwar ir-riżultati li ntlaħqu.

9.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill (3) li jipprovdu appoġġ għal gruppi ta’ esperti informali fil-qasam tal-isport li l-Istati Membri jixtiequ joħolqu u li għandhom jirrapportaw lill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Isport; jitlob biex dawn il-gruppi jinkludu lill-KtR.

10.

Jagħti valur lill-fatt li d-DĠ MARKT tal-Kummissjoni Ewropea nieda studju indipendenti dwar il-finanzjament tal-livelli l-iżjed bażiċi tal-qasam tal-isport fl-Ewropa, sabiex jiġu valutati s-sistemi ta’ finanzjament differenti (bħalma huma l-finanzjament statali, reġjonali u lokali, il-kontribuzzjonijiet tal-familji, tal-attivitajiet tal-volontarjat, tal-isponsorships, id-dħul li jiġi mill-mezzi tax-xandir u d-dħul mill-organizzazzjoni ta’ servizzi onlajn u servizzi oħra konnessi mal-logħob tal-flus), u li ser janalizza wkoll firxa wiesgħa ta’ politiki tas-suq intern li għandhom impatt dirett fuq dawn is-sistemi ta’ finanzjament; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvolvi b'mod dirett lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fi proġetti ta’ studju attwali u futuri billi huma l-awtoritajiet li jippromovu jew l-awtoritajiet li huma eqreb tal-partijiet interessati.

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

11.

Jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol fundamentali fl-iżvilupp ta’ dimensjoni Ewropea tal-isport billi, fil-limiti tal-mandat istituzzjonali tagħhom, huma jgħinu biex il-pubbliku jingħata s-servizzi fil-qasam tal-isport. Minn perspettiva amministrattiva, dawn is-servizzi huma strumenti importanti biex tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali u tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni.

12.

Jenfasizza wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol fundamentali biex jiffinanzjaw l-attivitajiet tal-isport u l-faċilitajiet li jeħtieġu. Barra minn hekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-isport u – fejn ikunu jeżistu – mal-fergħat reġjonali tal-kumitati Olimpiċi nazzjonali, jaqdu rwol fundamentali biex jimmotivaw lin-nies biex jibdew jipprattikaw l-isport. Apparti minn dan, huwa favur li fil-pajjiżi li għad m'għandhomx fergħat bħal dawn jinħolqu strutturi reġjonali għall-isport li jaqdu rwol importanti fit-tħeġġiġ u l-promozzjoni tal-isport fil-livell reġjonali.

13.

Ifakkar fir-rwol vitali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-koordinazzjoni tal-partijiet interessati kollha fil-qasam li huma involuti fis-settur tal-isport f'diversi modi, b'mod partikolari billi jipprovdu appoġġ lill-assoċjazzjonijiet u lill-voluntiera fil-qasam.

14.

Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali minn dejjem irrikonoxxew u użaw il-potenzjal edukattiv tal-isport, billi inkorporawh f'politiki tal-edukazzjoni u miżuri sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja, inkluż f'termini ta’ saħħa pubblika.

15.

Jaħseb li huwa vitali għall-Kummissjoni Ewropea li tirrispetta l-awtonomija ta’ strutturi governattivi tal-isport bħala prinċipju fundamentali relatat mal-organizzazzjoni tal-isport u mar-rispett tal-kompetenzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

16.

Huwa tal-fehma li huwa essenzjali jiġu indirizzati sfidi bħall-vjolenza u n-nuqqas ta’ tolleranza assoċjati ma’ avvenimenti sportivi u li tittieħed azzjoni leġislattiva inċiżiva sabiex jiġu ffaċċjati sfidi transnazzjonali li jolqtu lill-isport Ewropew, bħall-frodi, il-logħob mixtri u d-doping.

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħti lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, lill-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-isport u – fejn ikunu jeżistu – lill-fergħat reġjonali tal-kumitati tal-kumitati Olimpiċi nazzjonali rwol iżjed inċiżiv fl-istadji tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni ta’ politiki tal-isport.

18.

Jenfasizza l-kapaċità tal-isport li joħloq relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-assoċjazzjonijiet, il-federazzjonijiet, il-klabbs u organizzazzjonijiet oħra, u jemmen li jeħtieġ li jinħolqu netwerks li jiffaċilitaw u jħaffu l-iskambju tal-għarfien espert u fil-qasam tal-isport u l-impatt soċjetali tiegħu. F'dan ir-rigward, il-ħolqien tan-netwerks tal-korpi pubbliċi li jaħdmu fil-livell lokali jkun ifisser progress kbir għall-iżvilupp tar-rwol tal-muniċipalitajiet fil-promozzjoni tal-impatt soċjetali tal-isport u jippermettilhom li jikkontribwixxu għat-titjib tal-isport fil-livell Ewropew.

19.

Jitlob lill-Kummissjoni, bħala estensjoni ta’ miżuri li huma ta’ inċentiv u ta’ appoġġ għal proġetti tal-isport jew programmi li diġà jeżistu f'oqsma bħall-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, is-saħħa pubblika, iż-żgħażagħ, iċ-ċittadinanza, ir-riċerka, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra r-razziżmu, biex tinvolvi b'mod attiv lill-KtR f'diskussjonijiet li jikkumpanjaw il-preparazzjoni għall-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss.

20.

Jaħseb li huwa essenzjali għall-Kummissjoni Ewropea li tinvolvi lill-Kumitat tar-Reġjuni mill-bidu nett fl-azzjonijiet preparatorji attwali u futuri kollha u f'avvenimenti speċifiċi.

21.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja azzjonijiet speċifiċi għal proġetti li jappoġġjaw il-promozzjoni ta’ attività volontarja fl-isport, kif propost direttament mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tal-isport u – fejn jeżistu – il-fergħat reġjonali tal-kumitati Olimpiċi nazzjonali, il-klabbs tas-servizzi u entitajiet li jippromovu l-isport.

Ir-rwol l-isport fis-soċjetà

22.

Jagħti valur lill-importanza li l-Kummissjoni Ewropea tat lill-ħtieġa li jitwaqqaf id-doping b'mod effikaċi, mhux biss fl-isport kompetittiv billi dan issa huwa mifrux b'mod aktar sinifikanti fil-qasam tad-dilettanti, li joħloq problema serja li tista' tkun ta’ periklu għas-saħħa.

23.

Jemmen li miżura effettiva tkun waħda li tifhem aħjar il-prattika mifruxa tad-doping fl-isport tad-dilettanti u sussegwentement, fuq il-bażi tal-provi disponibbli, li l-ewwel jiġu introdotti kontrolli sistematiċi u strateġiji ta’ intervent maħsuba biex inaqqsu d-doping u l-użu tas-sustanzi projbiti oħrajn f'ambjenti mhux professjonali u mbagħad li jiħraxu l-pieni, bħalma hu l-każ għal sustanzi narkotiċi. Dawn l-azzjonijiet għandhom jiġu koordinati u mmirati lejn l-introduzzjoni u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba fl-istrateġiji ta’ kontra d-doping fl-oqsma kollha. Fir-rigward tat-traffikar ta’ sustanzi li joħolqu effett ta’ doping, jitlob biex l-UE tiffirma l-Konvenzjoni Ewropea kontra d-doping li tirrikonoxxi r-rwol globali tal-Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping (WADA – World Anti-Doping Agency).

24.

Jenfasizza l-problema maħluqa minn differenzi bejn il-perjodi ta’ żmien rikonoxxuti mis-sistemi tal-ġustizzja tal-isport u dawk ordinarji, u jargumenta li l-Kummissjoni Ewropea għandha tieħu azzjoni leġislattiva xierqa biex tindirizza dan billi ssaħħaħ il-miżuri ta’ liġi kriminali kontra l-kummerċ f'sustanzi li joħolqu effett ta’ doping.

25.

Jipproponi l-introduzzjoni ta’ sistema uniformi kontra d-doping fil-pajjiżi tal-UE, anke permezz tat-twettiq ta’ għadd minimu ta’ kontrolli kemm matul kif ukoll qabel u wara l-kompetizzjonijiet.

26.

Jenfasizza l-ħtieġa urġenti biex tiġi eliminata il-marda tal-imħatri illegali fuq avvenimenti sportivi, li ddgħajjef ir-rwol soċjali u edukattiv tal-isport, u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni diġà ħadet azzjoni biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata.

27.

Jilqa' b'sodisfazzjon, b'mod partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ħadet azzjoni biex tappoġġja l-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni fil-qasam tal-isport, billi ġġib dawn l-attivitajiet taħt il-kappa tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill Ewropew 2003/568/JHA dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur privat fi ħdan pakkett usa' kontra l-korruzzjoni li se jitressaq fl-2011.

28.

Jenfasizza l-importanza ta’ azzjoni mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġu promossi sħubijiet li jiffaċilitaw sistemi ta’ twissija bikrija sabiex jiġu evitati każi ta’ frodi u skandli assoċjati ma’ logħbiet mixtrija u sabiex tiġi miġġielda l-interferenza possibbli tal-kriminalità organizzata fl-isport Ewropew u biex l-Istati Membri jitħeġġu jieħdu miżuri drastiċi kontra r-reat ta’ frodi relatati mal-isport u biex jiġu armonizzati l-pieni kontra dan ir-reat.

29.

Jenfasizza l-valuri etiċi tal-isport u b'mod partikolari l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu mgħallma jifhmu l-“valur f'li wieħed jitlef” u l-prinċipju ta’ “logħob ġust”, ibda b'dawk li jħarrġu u t-tekniċi fi ħdan is-sistema edukattiva, li jridu jgħallmu bl-eżempju, sabiex jitwaqqfu inċidenti mhux xierqa jew li jmorru kontra l-prinċipji edukattivi, li sfortunatament iseħħu ta’ sikwit matul avvenimenti sportivi.

30.

Jaqsam mal-Kummissjoni Ewropea l-fehma li trid titrawwem ir-rabta bejn l-isport u l-edukazzjoni, sabiex jintużaw il-benefiċċji tal-isport biex jittejjeb il-benesseri tan-nies billi jiġu evitati problemi tas-saħħa, inklużi problemi patoloġiċi, b'mod speċjali l-obeżità u kundizzjonijiet kardjovaskulari, u dan jista' jgħin biex jitnaqqas l-infiq fit-tul fuq is-saħħa, li juża sehem kbir ħafna tal-baġits reġjonali.

31.

Jenfasizza l-importanza li titqajjem kuxjenza fost l-etajiet kollha, inklużi t-tfal kif ukoll iż-żgħażagħ u l-adulti, dwar il-ħtieġa li wieħed jipprattika l-isports kuljum, u jemmen ukoll li hu importanti immens li jiġi applikat il-kunċett tal-“isport għal kulħadd” u li l-attività fiżika regolari ssir dejjem aktar popolari.

32.

Jisħaq li billi l-attività sportiva inklużiva hija daqshekk importanti, għandhom jinħolqu l-opportunitajiet biex l-isportivi u l-istudenti b'diżabbiltajiet ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport kuljum kemm fl-iskola kif ukoll barra mill-iskola, u għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-iżvilupp u l-appoġġ tal-isport għall-persuni b'diżabbiltà;

33.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali jiffaċilitaw il-prattika ta’ kuljum tal-isport f'kull skola mingħajr ħlas, billi jipprovdu infrastruttura adegwata.

34.

jappoġġja miżuri li jsaħħu d-dimensjoni tal-isport fil-kurrikuli tal-iskejjel inklużi dawk ta’ qabel il-primarja.

35.

Jitlob li l-edukazzjoni fiżika tibda mill-kindergarten u li l-Istati Membri joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-edukazzjoni sportiva fl-iskejjel li tikkunsidra l-ħtiġiet pedagoġiċi, fiżiċi u psikoloġiċi tat-tfal u ż-żgħażagħ; barra minn hekk, iqis ukoll li l-edukazzjoni sportiva hija parti kruċjali mill-edukazzjoni olistika.

36.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi approvat taħriġ vokazzjonali “parallel” għall-atleti żgħażagħ u b'mod speċjali għall-isportivi ż-żgħar; dan it-taħriġ jeħtieġ monitoraġġ strett u regolari sabiex tiġi ggarantita l-kwalità tiegħu; barra minn hekk, huwa tal-fehma li dan ser jikkomunika wkoll valuri morali u edukattivi, kif ukoll valuri importanti għall-isport professjonali.

37.

Jippromovi aktar mobilità għall-ħaddiema, l-għalliema u dawk responsabbli mit-taħriġ fis-settur sportiv ibbażata fuq standards komuni u aċċettati li jkunu rikonoxxuti reċiprokament fost ir-reġjuni u l-Istati Membri.

38.

Jipproponi li jiġi stabbilit u promoss ir-rwol ta’ ambaxxaturi Ewropej tal-isport għal atleti ta’ livell għoli, kemm matul kif ukoll meta tintemm il-karriera kompetittiva tagħhom.

39.

Jenfasizza n-nuqqas, fil-Komunikazzjoni, li tinġibed l-attenzjoni b'mod dirett u fid-dettall għad-dinja tal-volontarjat fl-isport, li tikkostitwixxi l-potenzjal reali li għandu l-isport biex iħalli impatt fuq is-soċjetà.

40.

Għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jitfgħu l-attenzjoni tagħhom kontinwament fuq il-volontarjat fl-isport li jista' jagħti appoġġ effettiv għall-edukazzjoni fil-livelli kollha, isaħħaħ il-programmi ta’ tagħlim u jservi ta’ għodda utli għat-tagħlim tul il-ħajja. Fl-istess mod, jista' jiggarantixxi appoġġ sostanzjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għall-assoċjazzjonijiet sportivi fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti li permezz tagħhom in-nies ikunu eqreb tal-isport, fi spirtu li jenfasizza l-fatt li jaħdmu mingħajr qligħ.

41.

Jenfasizza li attivitajiet sportivi volontarji jridu jippromovu l-Prinċipju tas-Solidarjetà u għaldaqstant għandha ssir distinzjon bejnhom u attivitajiet sportivi professjonali fejn il-ħlas hu għoli ħafna.

42.

Jesprimi x-xewqa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iżidu l-valur soċjetali tal-isport, jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li l-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tipprovdi għall-użu tal-aspetti relatati mal-isport tal-Fondi Strutturali, u l-appoġġ mogħti lill-proġett tal-Bliet Ewropej għall-Volontarjat fl-Isport; iqis li huwa tajjeb li l-isport jintuża bħala mezz siewi għall-prevenzjoni tat-tensjonijiet soċjali u għat-trawwim tal-integrazzjoni soċjali, billi jitwaqqfu faċilitajiet żgħar għall-isport biex jintużaw bla ħlas (mini-pitches), speċjalment f'żoni soċjalment jew ġeografikament żvantaġġati u b'mod partikolari f'villaġġi żgħar u iżolati.

43.

Jenfasizza l-valur soċjetali ta’ inizjattivi sportivi bħall-Olimpijadi Speċjali u l-Para-Olimpijadi, li jżidu aktar l-inklużjoni soċjali ta’ persuni b'diżabilitajiet, jikkontribwixxu fuq livelli varji għall-indipendenza personali tagħhom u jagħmluhom atturi ewlenin u membri attivi tas-soċjetà.

44.

Itenni l-importanza li jiġu promossi attivitajiet atletiċi ta’ kuljum fost in-nies b'diżabilitajiet ukoll, pereżempju permezz ta’ kontributi lil assoċjazzjonijiet tal-isport li jwettqu inizjattivi sportivi għal persuni b'diżabilità fiżika, intellettwali jew tas-sensi, biex jagħmlu tajjeb għall-ispiża tax-xiri jew is-sostituzzjoni ta’ tagħmir individwali speċjalizzat meħtieġ għal din it-tip ta’ attività sportiva, kif ukoll l-eliminazzjoni totali ta’ aspetti arkitettoniċi li jxekklu l-aċċess għal faċilitajiet fejn l-isport huwa pprattikat jew fejn joqogħdu l-ispettaturi waqt avvenimenti sportivi importanti. B'mod partikolari fil-kuntest tal-iżvilupp demografiku, il-faċilitajiet u l-attivitajiet sportivi għandhom ikunu dejjem iktar attrezzati għall-bżonnijiet tal-persuni anzjani.

45.

Jappella biex tiġi appoġġjata l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-isports billi jinħolqu opportunitajiet ugwali fl-isports individwali u f'tim, jiġu introdotti regolamenti, u jiġi żgurat l-aċċess ugwali għall-finanzi għall-isport tan-nisa u li l-avvenimenti sportivi tan-nisa jiġu koperti b'mod ugwali fil-mezzi tax-xandirgħall-etajiet kollha. Jappella wkoll biex is-suċċessi sportivi tan-nisa fid-diversi oqsma tal-isport jingħataw l-istess rikonoxximent bħal dawk tal-irġiel, u jenfasizza l-bżonn ta’ regoli mhux diskriminatorji għall-kompetizzjonijiet li jistabbilixxu l-istess premjijiet ta’ flus għan-nisa u għall-irġiel.

46.

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea biex ma tinsiex ir-rwol fundamentali li jaqdu l-universitajiet, l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs taż-żgħażagħ, li jridu jkunu involuti sabiex l-isport jingħata l-valur proprju tiegħu.

Id-dimensjoni ekonomika tal-isport

47.

Jenfasizza li madwar 2 % tal-PDG globali huwa ġġenerat mis-settur tal-isport u jirrimarka li l-isport, l-industrija sportiva u t-turiżmu tal-isport, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi għandhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija, b'mod partikolari fuq is-setturi tat-turiżmu u tal-impjiegi. Barra minn hekk jenfasizza li dawn l-elementi għandhom importanza kbira għall-ħolqien ta’ impjiegi u għall-valur miżjud tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju.

48.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, li l-impatt ekonomiku tal-isport jitkejjel permezz ta’ kont satellita għall-isport, li jservi ta’ filter għall-kontijiet nazzjonali għal attivitajiet rilevanti għall-qasam tal-isport sabiex jiġi estratt il-valur miżjud kollu relatat mal-isport jew li jinkiseb minn attivitajiet ekonomiċi assoċjati.

49.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġi stabbilit dan il-kont satellita, billi huma jistgħu jinvolvu b'mod dirett kemm id-dinja tal-isports kif ukoll l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u Ewropej u d-dinja akkademika.

50.

Jargumenta li huwa essenzjali li miżuri fil-qasam tal-isport jiġu ffinanzjati mill-FEŻR, mill-FSE u mill-programmi qafas eżistenti tal-UE relatati mal-isport u li, għall-perjodu tal-baġit tal-UE li jmiss, jitwaqqaf programm qafas tal-UE ssuġġerit dwar l-Isport; għalhekk jappella li l-opportunitajiet li joffri l-FEŻR jintużaw kemm jista' jkun biex jiġu appoġġjati l-infrastruttura u l-attivitajiet sportivi u li l-opportunitajiet li joffri l-FSE jintużaw biex jitjiebu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema fis-settur tal-isport.

51.

Japprezza u jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-assoċjazzjonijiet tal-isport jiżviluppaw mekkaniżmi għall-bejgħ kollettiv tad-drittijiet tal-mezzi tax-xandir sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni adatta tad-dħul, jitnaqqas id-distakk bejn “sports sinjuri” u “sports fqar”, f'konformità mar-regoli tal-UE filwaqt li jiġi rispettat id-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ solidarjetà finanzjarja.

L-organizzazzjoni tal-isport

52.

Jitlob biex jiġu ddikjarati u appoġġjati inizjattivi b'impatt dirett fuq l-Ewropej kollha, irrispettivament mil-livell ta’ parteċipazzjoni tagħhom fl-isports, bħal Sena Ewropea għall-Isport, festivals Ewropej tal-isport deċentralizzati, Jum Ewropew tal-Isport. Dawn l-inizjattivi għandhom jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika Ewropea dwar l-isport.

53.

Huwa favur il-ħtieġa li jissaħħaħ, permezz ta’ appoġġ finanzjarju speċifiku Komunitarju, il-kunċett tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Isport, li ilha ġestita minn ċittadini privati minn mindu tnediet fl-1991 u li qed tikber fl-impatt u l-profil tagħha fl-Ewropa, fuq il-mudell li diġà jintuża għall-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Belt Kapitali Ambjentali Ewropea, il-Belt Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ, u b'hekk tkun tista' tirċievi appoġġ mill-UE sabiex tkun tista' tiżviluppa fil-ġejjieni taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

54.

Jaqbel ma’ kampanji promozzjonali u/jew avvenimenti sportivi li jappoġġjaw sfidi ewlenin li jolqtu lis-soċjetà, bħall-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, l-isfruttar tal-minorenni, id-delinkwenza fost iż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra kull forma ta’ kriminalità organizzata jew kwistjonijiet kbar dwar id-drittijiet tal-bniedem, fejn l-isport jista' jippromovi valuri Ewropej speċifiċi u komuni permezz tal-parteċipazzjoni ta’ atleti ewlenin minn ġenerazzjonijiet differenti.

55.

Jenfasizza l-effettività – li wara kollox kienet diġà ġiet osservata – ta’ sistema għal kooperazzjoni internazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-pulizija responsabbli għall-infurzar tal-liġi f'avvenimenti tal-isport ewlenin.

56.

Jenfasizza l-ħtieġa biex tiġi implimenta din il-kooperazzjoni bejn il-pulizija u biex tiġi applikata b'mod effikaċi u obbligatorju fl-avvenimenti tal-isport ewlenin li jseħħu fl-UE, anke jekk jinvolvu mhux biss lill-Istati Membri iżda wkoll il-pajjiżi kandidati, il-kandidati potenzjali jew pajjiżi terzi.

57.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li xi wħud mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-isport adottaw miżuri li għandhom l-għan li jsaħħu l-“fair play” finanzjarju fil-futbol Ewropew filwaqt li jiġi żgurat li jiġu rrispettati iktar ir-regoli tas-suq intern u l-istandards tal-kompetizzjoni.

58.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jistudjaw il-fatturi li jikkontribwixxu biex tiġi solvuta l-kwistjoni ta’ logħbiet mixtrija.

59.

Jitlob biex jiġi kkonsultat matul il-konsultazzjoni li ġejja tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-forniment ta’ servizzi onlajn tal-imħatri.

60.

Jitlob għal approċċ effiċjenti u inċiżiv għal kwistjonijiet relatati ma r-regoli dwar it-trasferimenti tal-aġenti sportivi.

61.

Jitlob biex jiġu evalwati b'mod pożittiv il-konsegwenzi ta’ regoli eventwali dwar plejers lokali f'dixxiplini sportivi li jinvolvu timijiet, fid-dawl tal-ispeċifiċità rikonoxxuta tal-attività sportiva.

Kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ għaqdiet internazzjonali

62.

Jappella li jiġi identifikat b'mod iżjed ċar l-ambitu tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-isport, b'enfasi fuq pajjiżi, pajjiżi kandidati, kandidati potenzjali tal-Unjoni Ewropea ul-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa.

63.

Jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom modi ta’ komunikazzjoni stabbiliti u ġemellaġġi ma’ dawn il-pajjiżi f'kuntesti varji, jistgħu jaqdu rwol prijoritarju fl-ottimizzar tal-kooperazzjoni permezz ta’ relazzjonijiet li diġà ġew konsolidati mal-milja taż-żmien.

Konklużjonijiet

64.

Jenfasizza l-ħtieġa biex jissaħħaħ l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali abbażi ta’ aġenda komuni mal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-awtoritajiet nazzjonali tal-isport.

65.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-referenza fil-Komunikazzjoni għad-dimensjoni reġjonali u lokali, inkluż l-appoġġ għall-infrastruttura tal-isport u attivitajiet sportivi sostenibbli.

66.

Jenfasizza l-lat ambjentali tal-isport, jiġifieri l-bżonn għal azzjoni tal-UE u reġjonali sabiex jitħeġġeġ l-iżvilupp adatt ta’ faċilitajiet tal-isport fil-kampanja u fl-ambjent bl-użu ta’ tekniki u materjali tal-bini li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u f'konformità ma’ regoli iktar stretti fuq l-użu effiċjenti tal-enerġija. Jipproponi li kull fejn huwa possibbli jiġu promossi inizjattivi sportivi li għandhom impatt ambjentali baxx, l-iktar permezz tal-użu tat-trasport pubbliku u t-trasport mhux mekkanizzat (li juża l-enerġija tal-bniedem), u jiġu offerti diversi tipi ta’ kumpens sabiex jitnaqqas jew jiġi eliminat l-impatt fuq il-klima tal-ivvjaġġar tal-massa.

67.

Jappella biex il-Fondi Strutturali jintużaw biex jappoġġjaw programmi u inizjattivi tal-isport, sakemm dawn ikunu marbutin mill-qrib mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 (tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv). B'hekk ikun jista' jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-isport bħala strument għall-iżvilupp lokali u reġjonali, ir-riġenerazzjoni urbana, l-iżvilupp rurali, l-inklużjoni soċjali, l-impjegabilità u l-ħolqien tal-impjiegi. Bħala riżultat ta’ dan, l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jaqdu rwol ewlieni fl-iffinanzjar u l-għoti ta’ aċċess għall-isport għandhom ikunu involuti iktar mill-qrib f'diskussjonijiet fil-livell tal-UE dwar din il-kwistjoni.

68.

Jipproponi biex issir ħidma permezz tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiġi appoġġjat netwerk ta’ universitajiet għall-promozzjoni tal-isport.

69.

Jipproponi li jiġu appoġġjati inizjattivi innovattivi sabiex tiġi inkoraġġuta l-attività fiżika fl-iskejjel, preferebbilment bejn l-età ta’ erba' snin u erbatax-il sena, fil-qafas tat-tagħlim tul il-ħajja.

70.

Jitlob għall-involviment dirett tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'evalwazzjoni tal-impatt ekonomiku ta’ avvenimenti sportivi billi tiġi stabbilita sistema ta’ monitoraġġ tal-isport u bażi tad-data sabiex tiġi studjata u miġbura data dwar firxa ta’ avvenimenti.

71.

Isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvolvi iktar mill-qrib lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-fergħat reġjonali tal-organizzazzjoni nazzjonali tal-isport u – fejn ikunu jeżistu – il-fergħat reġjonali tal-kumitati Olimpiċi nazzjonali fl-organizzazzjoni tal-Forum tal-Isports tal-UE u laqgħat annwali oħrajn, billi dawn il-laqgħat servew bħala l-bażi għall-integrazzjoni tal-isport fil-fondi, il-programmi u l-inizjattivi tal-UE.

Brussell, 12 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  COM(2011) 12.

(2)  COM (2007) 391.

(3)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014.