ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2011.378.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 378

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
23 ta' Diċembru 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2011/C 378/01

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-logħob miftiehem

1

 

Rettifika

2011/C 378/02

Procès–verbal ta' Rettifika tat-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iffirmat f'Lisbona fit-13 ta' Diċembru 2007 (ĠU C 306, 17.12.2007)

3

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

23.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 378/1


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-logħob miftiehem

2011/C 378/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

1.   WAQT LI JFAKKAR

li l-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2011 stabbilixxa Pjan ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014 (1) li enfasizza l-logħob miftiehem u l-promozzjoni tal-governanza tajba bħala tema ta’ prijorità. li l-Grupp ta’ Esperti “Governanza Tajba fl-Isport” ġie stabbilit biex tiġi żviluppta dimensjoni Ewropea tal-integrità fl-isport bil-fokus inizjali fost affarijiet oħra fuq il-ġlieda kontra l-logħob miftiehem.

li ttieħdu diversi inizjattivi relatati mal-kwistjoni tal-logħob miftiehem mill-Unjoni Ewropea, inkluż id-dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar aspetti relatati mal-isport tal-imħatri online fil-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2011, fil-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Logħob tal-Azzard Onlajn fis-Suq Intern (2), fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE (3) u f'Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport (4).

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea dwar il-promozzjoni tal-integrità tal-isport kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati speċjalment il-logħob miftiehem bħala l-ewwel pass f'dan il-qasam (5).

2.   KONXJU LI

1.

Apparti d-doping, il-logħob miftiehem huwa wieħed mit-theddid l-aktar sinifikanti għall-isport kontemporanju u li jagħmel ħsara lill-immaġni tal-isport billi jfixkel l-integrità u l-imprevedibbiltà tal-kompetizzjoni sportiva. Huwa jikkontradixxi l-valuri fundamentali tal-isport, bħall-integrità, il-fair play u r-rispett għall-oħrajn. Minħabba l-popolarità dinjija tal-isport, il-problema mhix limitata la għal Stat Membru wieħed u lanqas għal sport wieħed. Il-logħob miftiehem huwa forma ta’ frodi sportiva u jista' jseħħ bl-involviment ta’ kartellijiet ta’ imħatri illegali li jistgħu jkunu marbuta mal-ħasil tal-flus.

2.

Azzjonijiet fil-livell tal-UE maħsuba biex jikkumbattu l-logħob miftiehem għandhom jikkumplimentaw azzjonijiet magħmula mill-moviment tal-isports, l-awtoritajiet pubbliċi u l-operaturi tal-imħatri.

3.

Sanzjonijiet xierqa, effettivi u dissważivi, inklużi dawk kriminali u/jew dixxiplinari, huma neċessarji għall-ġlieda kontra l-logħob miftiehem. F'dan ir-rigward, il-Kunsill għalhekk jilqa' l-istudju mniedi mill-Kummissjoni dwar il-qafas legali applikabbli għall-frodi fl-isport, b'mod partikolari l-logħob miftiehem, fl-Istati Membri tal-UE.

4.

Il-governanza tajba fl-isport hi komponent essenzjali fil-ġlieda kontra l-logħob miftiehem. Problemi bħal-logħob miftiehem jidhru li huma anqas frekwenti fejn jintlaħqu l-istandards tal-governanza tajba, fost oħrajn il-projbizzjoni ta’ imħatri fuq l-isport propju tiegħek, il-ħlas regolari ta’ salarji lill-plejers, l-istabbilità finanzjarja u t-trasparenza.

3.   F'DAN IL-KUNTEST, JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE U L-PARTIJIET INTERESSATI, WAQT LI JAĠIXXU FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI TAGĦHOM U WAQT LI JIKKUNSIDRAW L-AWTONOMIJA TAL-ORGANIZZAZZJONIJIET SPORTIVI, BIEX:

1.

Jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ programmi edukattivi, pereżempju abbażi tal-esperjenza ta’ persuni sportivi mill-passat biex titjieb is-sensibilizzazzjoni tal-atleti u l-uffiċjali tal-isports rigward ir-riskji assoċjati mal-manipulazzjoni tar-riżultati u biex jiġi evitat li dawn jipparteċipaw f'tali attivitajiet.

2.

Jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni mill-qrib u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha fil-ġlieda kontra l-logħob miftiehem b'mod effettiv, inkluż permezz ta’ kwalunkwe forma adatta ta’ ftehimiet internazzjonali fil-livelli kollha, b'mod partikolari għall-iskambju tal-informazzjoni dwar l-aħjar prattiki fil-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni u l-monitoraġġ ta’ imħatri suspettużi fuq avvenimenti sportivi.

3.

Jeżaminaw il-possibbiltà tat-tnedija ta’ studji dwar il-logħob miftiehem, l-identifikar tal-iskala tal-fenomenu, il-problemi eżistenti kif ukoll is-soluzzjonijiet possibbli.

4.   JAPPELLA LILL-ISTATI MEMBRI TAL-UE, IL-PRESIDENZA U LILL-KUMMISSJONI EWROPEA, WAQT LI JAĠIXXU FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI TAGĦHOM U B'RISPETT GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ U WAQT LI JIEĦDU KONT TAL-ISTRUTTURA ISTITUZZJONALI TAGĦHOM, BIEX:

1.

Jimmonitorjaw u jikkontribwixxu għall-ħidma li għaddejja dwar il-kwistjoni tal-logħob miftiehem imwettaq f'fora internazzjonali differenti, inkluż il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali u l-Kunsill tal-Ewropa. F'dan ir-rigward, jirrikonoxxu l-ħtieġa biex l-Istati Membri jikkondividu l-informazzjoni u jottimizzaw il-kontribut tal-Istati Membri tal-UE f'dawn il-proċessi.

2.

Jappoġġaw il-ħidma futura fil-Grupp ta’ Esperti “Governanza Tajba fl-Isport” bil-ħsieb tal-iżvilupp ta’ dimensjoni Ewropea tal-integrita fl-isport b'fokus partikolari fuq il-ġlieda kontra l-logħob miftiehem, inklużi kwistjonijiet bħall-miżuri preventivi, is-sensibilizzazzjoni, il-kondiviżjoni tal-prattiki tajba, l-iskambu tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri eżempju billi jiżviluppaw kompendju tal-aħjar prattiki, l-iffaċilitar tal-miżuri ta’ monitoraġġ u infurzar fil-qafas tal-liġijiet eżistenti, u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-moviment tal-isport u l-operaturi tal-imħatri.

3.

Jinkludu fil-ftehimiet internazzjonali rilevanti, fil-livell nazzjonali u tal-UE, dispożizzjonijiet dwar il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni fl-indirizzar tal-problema tal-logħob miftiehem b'mod partikolari f'rabta mal-logħob tal-azzard irregolari.

4.

Fid-dawl tar-riżultati tal-istudji pendenti, jikkunsidraw mingħajr dewmien dikjarazzjoni politika bejn l-awtoritajiet pubbliċi, il-moviment tal-isport u l-operaturi tal-imħatri.

5.   JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI EWROPEA BIEX:

1.

Mingħajr sovrapożizzjoni fuq inizjattivi oħrajn u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati, jikkunsidraw it-tnedija ta’ studju li jiddeskrivi din is-sitwazzjoni fir-rigward tal-logħob miftiehem fl-UE u lil hinn, waqt li jidentifika l-problemi eżistenti kif ukoll l-inizjattivi eżistenti mmirati għall-ġlieda kontra l-logħob miftiehem u jipproponi rakkomandazzjonijiet dwar soluzzjonijiet possibli li għandhom jiġu adottati fil-livell tal-UE u dak internazzjonali.

2.

Tippromwovi l-ġlieda kontra l-logħob miftiehem fil-qafas tad-djalogu tagħha mal-partijiet interessati fil-qasam tal-isport, b'mod partikolari bħala parti mill-Forum tal-Isport tal-UE.

3.

Tikkunsidra li tipprova proġetti transnazzjonali b'appoġġ għall-prevenzjoni tal-logħob miftiehem, b'mod partikolari bil-għan li jitqajjem aktar għarfien fost l-atleti u l-uffiċjali tal-isports.

4.

Tikkunsidra tagħmel proposta, fid-dawl tar-riżultati tal-istudji msemmija hawn fuq u l-ħidma tal-Grupp ta’ esperti “Governanza Tajba fl-Isport” kif ukoll attivitajiet magħmulin f'fora internazzjonali differenti, għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-logħob miftiehem.

5.

Tinkludi kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra l-logħob miftiehem, b'mod partikolari f'rabta mal-logħob tal-azzard irregolari, fil-kuntatti u r-relazzjonijiet bilaterali tagħha ma’ Pajjiżi Terzi rilevanti.


(1)  ĠU C 162, 1.6.2011, p. 1.

(2)  COM(2011) 128 finali.

(3)  COM(2011) 308 finali.

(4)  COM(2011) 12 finali.

(5)  Rakkomandazzjoni CM/Rec (2011) 10.


Rettifika

23.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 378/3


PROCÈS–VERBAL TA' RETTIFIKA

tat-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iffirmat f'Lisbona fit-13 ta' Diċembru 2007

( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 306, tas-17 ta' Diċembru 2007 )

2011/C 378/02

Din ir-rettifika saret permezz ta' Procès-verbal ta' Rettifika li ġie ffirmat f'Ruma, fit-2 ta’ Diċembru 2011, bil-Gvern tar-Repubblika Taljana bħala depożitarju.

1.

Emendi għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea

Paġna 114, Artikolu 2, punt 236)

Flok:

“Artikolu 249 C

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-atti ta' l-Unjoni legalment vinkolanti.

2.   Meta jkun hemm bżonn ta' kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' l-atti ta' l-Unjoni legalment vinkolanti, dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta' implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b'mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 11 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu minn qabel irregoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-miżuri ta' kontroll mill-Istati Membri fuq l-eżerċizzju talkompetenzi ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

4.   Il-kelma ‘implimentazzjoni’ għandha tiddaħħal fl-atti ta' l-implimentazzjoni.”,

Aqra:

“Artikolu 249 C

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-atti ta' l-Unjoni legalment vinkolanti.

2.   Meta jkun hemm bżonn ta' kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' l-atti ta' l-Unjoni legalment vinkolanti, dawn l-atti jistgħu jagħtu s-setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummmissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b'mod xieraq u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 11 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 2, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu minn qabel ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

4.   Il-kelma ‘implimentazzjoni’ għandha tiddaħħal fl-atti ta' l-implimentazzjoni.”;

2.

Att Finali

Paġna 262, A. Dikjarazzjonijiet dwar dispożizzjonijiet tat-Trattati, 39. Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 249 B tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea

Flok:

“Il-Konferenza tinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibqa' tikkonsulta l-esperti maħtura mill-Istati Membri fit-tħejjija ta' atti delegati fil-qasam tas-servizz finanzjarju skond il-prattika stabbilita tagħha.”,

Aqra:

“Il-Konferenza tinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibqa' tikkonsulta l-esperti maħtura mill-Istati Membri fit-tħejjija ta' abbozzi ta’ atti delegati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, skond il-prattika stabbilita tagħha.”.