ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2011.373.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 373

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
21 ta' Diċembru 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 373/01

Opinjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 rigward il-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta mill-ewwel fażi ta’ żarmar tar-reattur A3 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari Chinon, li jinsab fi Franza, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

1

2011/C 373/02

Opinjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar il-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv mir-Repożitorju ta’ Livell Baxx Ħafna għall-Iskart li jinsab ħdejn is-sit tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Ignalina fil-Litwanja, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

3

 

Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

2011/C 373/03

Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Ordni Ewropea għall-Preservazzjoni ta’ Kontijiet biex tiffaċilita l-irkupru ta’ djun transkonfinali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

4

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kunsill

2011/C 373/04

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/800/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/860/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

8

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 373/05

Rata tal-kambju tal-euro

9

2011/C 373/06

Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

10

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2011/C 373/07

Informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

11

2011/C 373/08

Informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

12

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 373/09

Addendum għas-sejħa għall-proposti 2012 – EAC/27/11 – Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (PTĦ)

13

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2011/C 373/10

Notifika tal-inizjazzjoni ta’ proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

16

2011/C 373/11

Avviż tal-iskadenza ta' ċerti miżuri tal-antidumping

23

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kummissjoni Ewropea

21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Diċembru 2011

rigward il-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta mill-ewwel fażi ta’ żarmar tar-reattur A3 tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari Chinon, li jinsab fi Franza, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

2011/C 373/01

Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, u hija mingħajr ħsara għal kwalunkwe valutazzjoni oħra li għandha titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja.

Fis-7 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern Franċiż, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, Dejta Ġenerali rigward il-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv li jirriżulta mill-ewwel fażi ta’ żarmar tar-reattur A3 tal-impjant tal-enerġija nukleari Chinon fi Franza.

Abbażi ta' din id-dejta, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta' Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

(1)

Id-distanza bejn l-impjant tal-enerġija u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor, f'dan il-każ ir-Renju Unit, hija ta' 384 km. Il-Belġju huwa t-tieni l-eqreb Stat Membru b'distanza ta' 426 km. Spanja u l-Lussemburgu jinsabu f’distanzi ta’ 460 km u 494 km bogħod rispettivament.

(2)

Waqt il-ħidma normali taż-żarmar tal-impjant, ir-rilaxxi ta’ effluwenti radjuttavi likwidi u fl-għamla ta’ gass x’aktarx li mhux se jaffettwaw is-saħħa tal-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor.

(3)

Skart radjuattiv solidu jinħażen temporanjament fis-sit qabel ma jiġi ttrasferit għal faċilitajiet liċenzjati ta’ trattament jew ta' rimi li jinsabu fi Franza. Ma hemm l-ebda pjan għall-esportazzjoni ta' skart radjuattiv ’il barra minn Franza.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-verifiki tal-konċentrazzjoni tal-attività reżidwa, imwettqa biex tiġi kkonfermata n-natura konvenzjonali tal-iskart solidu wara d-dekontaminazzjoni, ikunu tali li tiġi żgurata l-konformità mal-kriterji tal-approvazzjoni stabbiliti fid-direttiva dwar l-istandards bażiċi tas-sikurezza (id-Direttiva 96/29/Euratom).

(4)

Fil-każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jseħħu wara xi inċident tat-tip u l-qies ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li aktarx jaslu għand il-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mill-aspett sanitarju.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv, ikun f'liema għamla jkun, li jirriżulta mill-ewwel fażi ta’ żarmar tar-reattur A3 tal-impjant tal-enerġija nukleari Chinon fi Franza, kemm matul il-ħidma normali kif ukoll f'każ ta' inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, mhijiex tali li tista’ tirriżulta f'kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, il-ħamrija jew l-atmosfera ta' Stat Membru ieħor.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/3


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Diċembru 2011

dwar il-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv mir-Repożitorju ta’ Livell Baxx Ħafna għall-Iskart li jinsab ħdejn is-sit tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Ignalina fil-Litwanja, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

(It-test bil-Litwan biss huwa awtentiku)

2011/C 373/02

Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-Euratom, u hija mingħajr ħsara għal kwalunkwe valutazzjoni oħra li għandha titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja.

Fit-16 ta' Ġunju 2011, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mill-Gvern Litwan, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, Dejta Ġenerali dwar il-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv li ġej mir-Repożitorju ta' Livell Baxx Ħafna għall-Iskart, li jinsab ħdejn is-sit tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta' Ignalina fil-Litwanja.

Abbażi ta' din id-dejta u t-tagħrif addizzjonali mitlub mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Lulju 2011 u pprovdut mill-awtoritajiet Litwani fl-1 ta’ Awwissu 2011, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta' Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

(1)

Id-distanza bejn l-istallazzjoni u l-eqreb punt ta' Stat Membru ieħor, li f'dan il-każ hija l-Latvja, hija ta' 8 km. L-eqreb Stat Membru li jmiss huwa l-Polonja, li tinsab madwar 250 km ’il bogħod. Ir-Repubblika tal-Belarus, bħala pajjiż ġar, tinsab 5 km ’il bogħod.

(2)

Matul il-perjodu tal-operat tar-repożitorju:

L-iskart radjuattiv se jinħażen fir-repożitorju mingħajr l-intenzjoni ta' rkupru.

Ir-repożitorju mhux se jkun soġġett għal awtorizzazzjoni ta' rilaxx fir-rigward ta' effluwenti radjuattivi likwidi u tal-gass. Taħt kundizzjonijiet ta’ operat normali, se jkun hemm emissjoni ta’ gassijiet radjuattivi u jistgħu jaħarbu lissati radjuattivi f’ammonti żgħar ħafna; madankollu, dawn mhumiex mistennija jaffettwaw is-saħħa tal-popolazzjoni ta' Stat Membru ieħor jew ta' pajjiż ġar.

F'każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jirriżultaw minn inċidenti tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li x'aktarx jilħqu l-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor jew f'pajjiż ġar ma jkunux sinifikanti mill-aspett tas-saħħa.

(3)

Wara l-għeluq aħħari tar-repożitorju:

Il-miżuri previsti fl-għeluq aħħari tar-repożitorju, kif deskritti fid-Dejta Ġenerali, joffru evidenza affidabbli li l-konklużjonijiet imsemmija fil-punt 2 ta’ hawn fuq sejrin jibqgħu validi fit-tul.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv, ikun f'liema forma jkun, li jirriżulta mir-Repożitorju ta’ Livell Baxx Ħafna għall-Iskart li jinsab ħdejn is-sit tal-Impjant tal-Enerġija Nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja, kemm matul iż-żmien tal-operat normali tiegħu kif ukoll wara l-għeluq aħħari tiegħu, u anki fil-każ ta' inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, mhijiex tali li tista' tirriżulta f'kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-atmosfera ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż ġar.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/4


Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Ordni Ewropea għall-Preservazzjoni ta’ Kontijiet biex tiffaċilita l-irkupru ta’ djun transkonfinali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali

2011/C 373/03

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),

Wara li kkunsidra t-talba għal opinjoni skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (2),

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fil-25 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Ordni Ewropea għall-Preservazzjoni tal-Kontijiet (minn hawn ’il quddiem “EAPO”) ħalli tiffaċilita l-irkupru ta’ dejn transkonfinali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (3).

2.

Il-proposta ntbagħtet mill-Kummissjoni lill-KEPD skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 fl-istess jum li fih ġiet adottata. Il-KEPD laqa’ din il-konsultazzjoni informali u kien sodisfatt meta ra li fil-proposta finali tqiesu kważi l-kummenti kollha tiegħu.

3.

F’din l-Opinjoni, il-KEPD ser jispjega fil-qosor u janalizza l-aspetti tal-protezzjoni tad-data tal-proposta.

II.   L-ASPETTI TAL-PROTEZZJONI TAD-DATA TAL-PROPOSTA

II.1.   L-attivitajiet tal-ipproċessar tad-data fir-Regolament propost

4.

Ir-Regolament propost ser jistabbilixxi proċedura Ewropea għal miżura protettiva li tippermetti lil kreditur (“ir-rikorrent”) jikseb Ordni Ewropea għall-Preservazzjoni tal-Kontijiet (minn hawn ’il quddiem “EAPO”) li tipprevjeni t-teħid jew it-trasferiment ta’ fondi miżmuma mid-debitur (“il-konvenut”) f’kont bankarju fl-UE. Il-proposta għandha l-ħsieb ittejjeb s-sitwazzjoni attwali fejn, minħabba l-proċeduri “ineffiċjenti, twal u li jiswew il-flus”, id-debituri jistgħu jaħarbu faċilment miżuri ta’ eżekuzzjoni billi jgħaddu flus malajr minn kont bankarju fi Stat Membru għal ieħor (4).

5.

Id-data personali tiġi pproċessata b’diversi modi u tiġi trasferita bejn protagonisti varji skont ir-Regolament propost. Issir distinzjoni relevanti bejn żewġ sitwazzjonijiet. Fl-ewwel każ, is-sitwazzjoni fejn l-EAPO tintalab qabel il-bidu ta’ proċeduri ġudizzjali jew fejn sentenza, soluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku ma jkunux għadhom ġew iddikjarati infurzabbli fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni (5). Fit-tieni każ, is-sitwazzjoni li fiha tintlab EAPO wara li tkun inkisbet sentenza, soluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku infurzabbli.

6.

Fl-ewwel sitwazzjoni, id-data personali tar-rikorrent kif ukoll tal-konvenut (data ta’ identifikazzjoni, dettalji tal-kont bankarju tal-konvenut, deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi relevanti u evidenza ta’ imġiba) tiġi pprovduta mir-rikorrent lill-qorti nazzjonali fejn jitressqu l-proċeduri dwar is-sustanza tal-materja skont ir-regoli applikabbli dwar il-ġurisdizzjoni. L-applikazzjoni ssir bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness I tal-proposta (ara l-Artikolu 8 tal-proposta).

7.

Fit-tieni sitwazzjoni, ir-rikorrent jibgħat data personali tal-konvenut (data ta’ identifikazzjoni, dettalji tal-kont bankarju tal-konvenut u kopja tas-sentenza, soluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku) jew lill-qorti li tkun ħarġet is-sentenza jew is-soluzzjoni bil-qorti jew, fil-każ ta’ strument awtentiku, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn kien stabbilit l-istrument awtentiku, jew direttament lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ infurzar. L-applikazzjoni ssir bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness I tal-proposta (ara l-Artikolu 15).

8.

Fiż-żewġ sitwazzjonijiet, ir-rikorrent ikollu jipprovdi l-informazzjoni kollha fir-rigward tal-konvenut u tal-kont(ijiet) bankarju(i) tal-konvenut meħtieġa biex jgħinu lill-bank/banek jidentifikaw lill-konvenut u l-kont(ijiet) tiegħu/tagħha (ara l-Artikolu 16 tal-proposta). Għal persuni fiżiċi, dan jinkludi l-isem sħiħ tal-konvenut, l-isem tal-bank, in-numru(i) tal-kont(ijiet), l-indirizz sħiħ tal-konvenut u d-data tat-twelid tiegħu/tagħha jew in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali jew tal-passaport tiegħu/tagħha. Dan huwa kollu rifless fil-forma mressqa f’Anness I (ara punt 4.7 ta’ Anness I). Oqsma opzjonali ta’ data fil-formola huma n-numru tat-telefon u l-indirizz elettroniku tal-konvenut (ara punt 3 ta’ Anness I).

9.

Jekk ir-rikorrent ma jkollux l-informazzjoni dwar il-kont tal-konvenut disponibbli, ir-rikorrent jista’ jitlob lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-infurzar tikseb l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 17 tal-proposta. It-tali talba għandha ssir fl-applikazzjoni għall-EAPO u għandha tinkludi l-informazzjoni kollha disponibbli għar-rikorrent' dwar il-‘konvenut u l-kontijiet bankarji tal-konvenut (ara l-Artikolu 17(1) u (2)). Il-qorti jew l-awtorità responsabbli mill-ħruġ, toħroġ l-EAPO u tibgħatha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-infurzar li juża “l-mezzi xierqa u raġonevoli kollha disponibbli fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni sabiex jikseb l-informazzjoni” (l-Artikolu 17(3) u (4)). Il-metodi għall-kisba tal-informazzjoni huma dawn: l-obbligar lill-banek kollha fit-territorju tagħhom biex jiżvelaw jekk il-konvenut għandux kontijiet magħhom u aċċess mill-awtorità kompetenti fejn tkun miżmuma l-informazzjoni minn awtoritajiet jew amministrazzjonijiet pubbliċi f’reġistri jew mod ieħor (l-Artikolu 17(5)).

10.

L-Artikolu 17(6) jenfasizza li l-informazzjoni li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 17(4) għandha tkun “adegwata sabiex jiġu identifikati l-kont jew il-kontijiet tal-konvenut, għandha tkun relevanti u mhux eċċessiva u għandha tkun limitata għal (a) l-indirizz tal-konvenut, (b) il-bank jew banek li jkollhom il-kont jew il-kontijiet tal-konvenut, (ċ) in-numru tal-kont jew kontijiet tal-konvenut”.

11.

Bosta dispożizzjonijiet jinvolvu skambju tal-informazzjoni transkonfinali, inkluż data personali. Fir-rigward tat-trasferiment tal-EAPO mill-qorti jew l-awtorità responsabbli mill-ħruġ lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, dan isir bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness II tal-proposta (ara l-Artikolu 21 u 24 tal-proposta). Din il-formola tinkludi inqas data fuq il-konvenut minħabba li ma ssir l-ebda referenza għad-data tat-twelid, in-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali jew tal-passaport jew in-numru tat-telefon jew l-indirizz elettroniku tiegħu jew tagħha. Mill-passi differenti deskritti fir-Regolament propost jidher li dan seħħ kaġun tal-fatt li jew in-numru(i) tal-kont(ijiet) tal-konvenut ikunu diġà ġew determinati mingħajr dubju jew din l-informazzjoni għad tkun trid tinġabar mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 17 tal-proposta.

12.

L-Artikolu 20 jindirizza l-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-qrati. L-informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi kollha relevanti tista’ titfittex direttament jew permezz tal-punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjali Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali stabbiliti mid-Deċiżjoni 2001/470/KE (6).

13.

Fi żmien tlett ijiem xogħol wara l-wasla tal-EAPO, il-bank jinforma lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni u lir-rikorrent bl-użu tal-formola stabbilita fl-Anness III tal-proposta (ara l-Artikolu 27). Din il-formola teħtieġ l-istess informazzjoni dwar il-konvenut bħall-formola mressqa fl-Anness II. L-Artikolu 27(3) jiddikjara li l-bank jista’ jittrażmetti d-dikjarazzjoni tiegħu b’mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi siguri.

II.2.   Rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data

14.

L-attivitajiet varji tal-ipproċessar ta’ data personali koperti mir-Regolament proposti għandhom jitwettqu b’osservanza xierqa tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data kif stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimentaha. Il-KEPD huwa sodisfatt li jara li dan kien enfasizzat fil-premessa 21 u fl-Artikolu 46(3) tal-proposta. Il-KEPD jilqa’ wkoll ir-referenza għall-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fil-premessa 20 tal-proposta.

15.

Ċerta informazzjoni dwar ir-rikorrent u l-konvenut hija indispensabbli għall-funzjonament xieraq tal-EAPO. Ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data jesiġu li tintuża biss informazzjoni proporzjonata u attwalment meħtieġa. Il-KEPD kien sodisfatt meta ra li l-Kummissjoni kkunsidrat serjament il-proporzjonalità u n-neċessità tal-ipproċessar ta’ data personali għall-għanijiet tal-proposta attwali.

16.

Dan jidher fl-ewwel post mil-lista limitata ta’ dettalji personali rekwiżiti fl-Artikoli 8, 15 u 16, kif ukoll l-Annessi tal-proposta. Il-KEPD jinnota b’sodisfazzjon li l-ammont ta’ data personali jonqos fl-annessi differenti li jsegwu l-passi differenti fil-proċedura tal-EAPO. B’mod ġenerali, il-KEPD ma għandu l-ebda raġuni għala jemmen li d-data meħtieġa tmur lil hinn minn dak meħtieġ għall-għanijiet tar-Regolament propost. F’dan ir-rigward il-KEPD għandu biss żewġ rimarki oħra.

17.

L-ewwel waħda hija marbuta mad-dettalji tal-indirizz tar-rikorrent fl-Annessi tar-Regolament propost. Skont l-Artikolu 25 tal-proposta, il-konvenut għandu jingħata l-EAPO kif ukoll id-dokumenti kollha sottomessi lill-qorti jew lill-awtorità kompetenti meħtieġa biex jikseb l-ordni, li jidher li jinkludu l-informazzjoni pprovduta fl-Anness I, II u III. Ma hemm l-ebda indikazzjoni tal-possibilità li r-rikorrent jitlob it-tneħħija tad-dettalji tal-indirizz tiegħu mid-dokumenti differenti qabel ma dawn jintbagħtu lill-konvenut. Minħabba li jista’ jkun hemm ċirkustanzi fejn l-iżvelar tad-dettalji tal-indirizz jista’ jwassal għar-riskju li r-rikorrent jisfa’ soġġett għal pressjoni barra mill-qorti mill-konvenut, il-KEPD jissuġġerixxi li l-leġiżlatur jinkludi fl-Artikolu 25 il-possibilità li r-rikorrent jitlob it-tneħħija ta’ dawn id-dettalji mill-informazzjoni pprovduta lill-konvenut.

18.

It-tieni rimarka hija marbuta mal-oqsma tad-data fakultattiva fl-Anness I fir-rigward tan-numru tat-telefon u l-indirizz elettroniku. Jekk din l-informazzjoni tkun inkluża bħala oqsma ta’ data li jistgħu jintużaw jekk informazzjoni oħra ta’ kuntatt tal-konvenut tkun nieqsa, dan għandu jiġi ċċarat. Jekk le, ma jidher li hemm l-ebda raġuni għandhom jinżammu dawn l-oqsma tad-data.

19.

Illustrazzjoni oħra tal-kunsiderazzjonijiet serji li l-Kummissjoni għamlet fir-rigward tal-proporzjonalità u n-neċessità tal-ipproċessar ta’ data personali għall-għanijiet tal-proposta preżenti, hija r-referenza espliċita għall-priniċipju tan-neċessità fl-Artikolu 16 u l-Artikolu 17(1) u 17(6) tal-proposta. L-Artikolu 16 jirreferi għall-informazzjoni kollha “meħtieġa” biex tidentifika lill-konvenut, l-Artikolu 17(1) għall-informazzjoni “meħtieġa” u l-Artikolu 17(6) itennu d-diċitura tal-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46/KE li tipprovdi li d-data għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva. Il-KEPD huwa sodisfatt b’dawn id-dispożizzjonijiet minħabba li jagħmluha ċara li l-ġbir ta’ data personali għandu jsir skont il-prinċipju tan-neċessità. Biss l-Artikolu 17 iqajjem xi mistoqsijiet xorta waħda.

20.

L-Artikolu 17(2) jistipula li r-rikorrent għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha disponibbli għar-rikorrent' dwar ‘il-konvenut u l-kont(ijiet) bankarju(i) tal-konvenut. Din hija formulazzjoni wiesgħa li tista’ tinkludi t-trasferiment tat-tipi kollha ta’ informazzjoni dwar il-konvenut. Id-dispożizzjoni ma tagħmilhiex ċara jekk it-tali informazzjoni għandhiex tkun ristretta għal informazzjoni meħtieġa biex tidentifika lill-konvenut u tiddetermina l-kont(ijiet) bankarju(i) tiegħu jew tagħha. Il-KEPD jirrakkomanda l-inklużjoni ta’ din ir-restrizzjoni fl-Artikolu 17(2).

21.

Ir-referenza fl-Artikolu 17(4) għal “mezzi xierqa u raġjonevoli kollha” tista’ timplika metodi ta’ investigazzjoni li jidħlu serjament fil-ħajja privata tal-konvenut. Madankollu meta tinqara flimkien mal-Artikolu 17(5) jidher ċar li dawn il-mezzi huma ristretti għaż-żewġ metodi deskritti f’punt 9 ta’ din l-Opinjoni. Madankollu biex jipprevjeni kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim dwar l-ambitu tal-mezzi disponibbli għall-awtorità kompetenti, il-leġiżlatur jista’ jikkunsidra li jibdel ir-referenza minn “il-mezzi xierqa u raġonevoli kollha” għal “wieħed miż-żewġ metodi li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 5”.

22.

Fir-rigward taż-żewġ metodi msemmija fl-Artikolu 17(5)(b), il-KEPD għandu xi mistoqsijiet dwar it-tieni wieħed. Dan il-metodu jirrigwarda l-aċċess mill-awtorità kompetenti fejn dik l-informazzjoni tkun miżmuma mill-awtoritajiet jew amministrazzjonijiet pubbliċi f’reġistri jew mod ieħor. Fl-Anness I tal-proposta ssir referenza għal “reġistri pubbliċi eżistenti” (ara punt 4 ta’ Anness I). Għal skopijiet ta’ ċarezza, għandu jkun enfasizzat x’inhu attwalment imfisser bl-Artikolu 17(5)(b) tal-proposta. Għandu jkun enfasizzat li mhux biss l-informazzjoni miġbura għandha tkun meħtieġa għall-għanijiet tar-Regolament propost; iżda anke l-metodi għall-ġbir tal-informazzjoni għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità.

23.

Fir-rigward tat-trasferiment transkonfinali ta’ data bejn iż-żewġ entitajiet differenti involuti, il-KEPD ma jara l-ebda problema partikolari mil-lat tal-protezzjoni tad-data. L-Artikolu 27(3) biss tal-proposta jqajjem ftit iktar riflessjoni. Huwa stipulat li l-banek jistgħu jittrażmettu d-dikjarazzjoni tagħhom (bl-użu tal-formola mressqa fl-Anness III) b’mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni. Il-kelma “jistgħu” tintuża minħabba li l-użu ta’ mezzi elettroniċi hija alternattiva għal meta d-dikjarazzjoni tintbagħat bil-posta regolari. Dan isegwi mill-Anness III. L-Artikolu 27(3) huwa maħsub biex jippermetti lill-banek jużaw mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-mezzi ikunu siguri. Il-KEPD jirrakkomanda lil-leġiżlatur jikkjarifika din id-dispożizzjoni, minħabba li l-kliem użat fil-preżent jista’ jiġi interpretat bħala li jagħmel l-użu ta’ mezzi siguri opzjonali. L-Artikolu 27(3) jista’ jinbidel b’li ġej: “Il-bank jista’ jibgħat id-dikjarazzjoni tiegħu permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, jekk dawn il-mezzi jkunu siguri skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 95/46/KE”.

III.   KONKLUŻJONI

24.

Il-KEPD huwa sodisfatt bl-isforzi implimentati għall-indirizzar tal-aspetti differenti tal-protezzjoni tad-data li jitqajmu mill-istrument propost tal-EAPO. B’mod aktar partikolari, japprezza l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-neċessità u r-referenza għalih. Madankollu l-KEPD jemmen li r-Regolament propost xorta għadu jeħtieġ xi titjib u kjarifiki ulterjuri. Il-KEPD jirrakkomanda:

li jkun ikkunsidrat li fl-Artikolu 25 tkun inkluża l-possibilità li r-rikorrent jitlob it-tneħħija tad-dettalji tal-indirizz tiegħu mill-informazzjoni pprovduta lill-konvenut;

li jitneħħew l-oqsma opzjonali tad-data mill-Anness I (in-numru tat-telefown u l-indirizz elettroniku tal-konvenut) jekk ma tkunx ingħatat prova tal-ħtieġa;

li l-informazzjoni pprovduta tkun ristretta mir-rikorrent skont l-Artikolu 17(2) għal dak meħtieġ biex ikun identifikat il-konvenut u biex ikun stabbilit il-kont(ijiet) bankarju(i) tiegħu jew tagħha;

li jkun ikkunsidrat li tinbidel ir-referenza fl-Artikolu 17(4) minn “il-mezzi xierqa u raġonevoli kollha” għal “wieħed miż-żewġ metodi li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 5”;

li jispjega x’inhu mfisser bir-“reġistri pubbliċi eżistenti” li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 17(5)(b);

li l-formolazzjoni tal-kliem tal-Artikolu 27(3) tinbidel għal li ġej: “Il-bank jista’ jibgħat id-dikjarazzjoni tiegħu permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, jekk dawn il-mezzi jkunu siguri skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 95/46/KE”.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2011.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  Ara COM(2011) 445 finali.

(4)  Ara l-Memorandum ta’ Spjega għall-proposta, p. 4.

(5)  L-idea ta’ “strument awtentiku” hija definita fl-Artikolu 4(11) tal-proposta bħala li tfisser “dokument li kien imfassal jew reġistrat formalment bħala strument awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċita tiegħu: (a) hija marbuta mal-firma u l-kontenut tal-istrument, u (b) kienet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra li għandha s-setgħa għal dak l-għan”.

(6)  ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill

21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/8


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/800/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/860/PESK, dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

2011/C 373/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet li jidhru fl-Annessi II u III għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/800/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/860/PESK (1), dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li l-persuni u l-entitajiet li jidhru fl-Annessi msemmijin hawn fuq għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' persuni u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2010/800/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea. Ir-raġunijiet għan-nominazzjonijiet ta' dawk il-persuni u l-entitajiet jidhru fl-entrati rilevanti f'dawk l-Annessi.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif indikat fuq is-siti tal-internet fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex il-fondi ffriżati jintużaw għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (ara l-Artikolu 7 tar-Regolament).

Il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw talba lill-Kunsill, flimkien ma' dokumentazzjoni ta' sostenn, biex id-deċiżjoni li huma jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq tkun ikkunsidrata mill-ġdid, fl-indirizz segwenti:

Council of the European Union

General Secretariat

DG K Coordination Unit

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati anke għall-possibbiltà li jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 275, (2), u l-Artikolu 263, (4) u (6), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 338, 21.12.2011.


Il-Kummissjoni Ewropea

21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/9


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-20 ta’ Diċembru 2011

2011/C 373/05

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3074

JPY

Yen Ġappuniż

101,88

DKK

Krona Daniża

7,4338

GBP

Lira Sterlina

0,83680

SEK

Krona Żvediża

8,9780

CHF

Frank Żvizzeru

1,2192

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,7080

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,491

HUF

Forint Ungeriż

300,56

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,6969

PLN

Zloty Pollakk

4,4590

RON

Leu Rumen

4,3165

TRY

Lira Turka

2,4760

AUD

Dollaru Awstraljan

1,3082

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3508

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,1751

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7139

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,7033

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 519,17

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

10,8132

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,2914

HRK

Kuna Kroata

7,5198

IDR

Rupiah Indoneżjan

11 878,68

MYR

Ringgit Malażjan

4,1569

PHP

Peso Filippin

57,256

RUB

Rouble Russu

41,9600

THB

Baht Tajlandiż

40,922

BRL

Real Brażiljan

2,4303

MXN

Peso Messikan

18,0685

INR

Rupi Indjan

69,2600


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/10


Wiċċ nazzjonali ġdid tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni

2011/C 373/06

Image

Wiċċ nazzjonali tal-munita l-ġdida kommemorattiva ta' EUR 2, maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni u maħruġa mil-Lussemburgu

Il-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni għandhom status ta' valuta legali fiż-żona kollha tal-euro. Il-Kummissjoni tippubblika deskrizzjoni tad-disinji tal-muniti tal-euro l-ġodda kollha sabiex tinforma lill-pubbliku u lill-partijiet kollha li jużaw il-muniti (1). Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2009 (2), l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-pajjiżi li kkonkludew ftehim monetarju mal-Komunità li jipprovdi għall-ħruġ ta’ muniti tal-euro huma awtorizzati joħorġu muniti kommemorattivi tal-euro maħsubin għaċ-ċirkulazzjoni b’ċerti kundizzjonijiet, partikolarment bil-kundizzjoni li dawn ikunu biss muniti ta’ EUR 2. Dawn il-muniti għandhom l-istess karatteristiċi tekniċi bħall-muniti l-oħra ta' EUR 2, iżda l-wiċċ nazzjonali tagħhom ikun fih disinn kommemorattiv li jkun simboliku ħafna f'termini nazzjonali jew Ewropej.

Pajjiż tal-ħruġ: Il-Lussemburgu

Suġġett tal-kommemorazzjoni: Il-Gran Duka Henri u l-Gran Duka Guillaume IV mis-sensiela “d-dinastija tal-Gran Dukat”

Deskrizzjoni tad-disinn: Fuq in-naħa tax-xellug tal-parti ta' ġewwa, il-munita turi xbieha tal-Altezza Rjali Tiegħu, il-Gran Duka Henri, iħares lejn il-lemin, u sovraposta fuq ix-xbieha tal-Gran Duka Guillaume IV, iħares lejn il-lemin. Il-kliem “GRANDS-DUCS DE LUXEMBOURG” u s-sena “2012”, maġenb il-marka taz-zekka u l-inizjali tas-suprintendent taz-zekka jidhru fuq ix-xbihat fil-parti ta' ġewwa tal-munita. Quddiem ix-xbihat, bħala sfond jidher il-profil tal-Belt tal-Lussemburgu L-ismijiet “HENRI” u “GUILLAUME IV” kif ukoll it-test “† 1912” jinsabu taħt ix-xbihat rispettivi tagħhom.

Iċ-ċirku ta' barra tal-munita juri t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Għadd ta’ muniti li għandhom jinħarġu: 1,4 miljuni

Data tal-ħruġ: Jannar 2012


(1)  Ara ĠU C 373, 28.12.2001, p. 1 għall-uċuħ nazzjonali tal-muniti kollha li nħarġu fl-2002.

(2)  Ara l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-10 ta' Frar 2009 u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2008 dwar linji gwida komuni għall-uċuħ nazzjonali u l-ħruġ ta’ muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 52).


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/11


Informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

2011/C 373/07

F'konformità mal-Artikolu 35(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), ittieħdet deċiżjoni biex is-sajd jingħalaq kif deskritt fit-tabella hawn taħt:

Data u ħin tal-għeluq

26.11.2011

Tul ta’ żmien

26.11.2011-31.12.2011

Stat Membru

Il-Ġermanja

Stokk jew Grupp ta' stokkijiet

HER/5B6ANB

Speċi

Aringa (Clupea harengus)

Żona

L-ilmijiet tal-UE u l-ilmijiet internazzjonali taż-żoni Vb, VIb u VIaN

Tip(i) ta' bastimenti tas-sajd

Numru ta’ referenza

Ħolqa elettronika għad-deċiżjoni tal-Istat Membru:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/fishing_rules/tacs/index_mt.htm


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.


21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/12


Informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

2011/C 373/08

F'konformità mal-Artikolu 35(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), ittieħdet deċiżjoni biex is-sajd jingħalaq kif deskritt fit-tabella hawn taħt:

Data u ħin tal-għeluq

13.11.2011

Tul ta’ żmien

13.11.2011-31.12.2011

Stat Membru

Ir-Renju Unit/GBR

Stokk jew Grupp ta' stokkijiet

BOR/678-

Speċi

Mniefaħ (Caproidae)

Żona

L-ilmijiet tal-UE u l-ilmijiet internazzjonali taż-żoni VI, VII u VIII

Tip(i) ta' bastimenti tas-sajd

Numru ta’ referenza

Ħolqa elettronika għad-deċiżjoni tal-Istat Membru:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/fishing_rules/tacs/index_mt.htm


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1


V Avviżi

PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI

Il-Kummissjoni Ewropea

21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/13


Addendum għas-sejħa għall-proposti 2012 – EAC/27/11

Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja (PTĦ)

2011/C 373/09

Dan l-addendum ikompli mas-Sejħa għall-proposti 2011/C 233 kif ġej.

1.   Għanijiet u deskrizzjoni

Din is-sejħa għall-proposti hija bbażata fuq id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja li ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-15 ta' Novembru 2006 (id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE) (1). Il-programm ikopri l-perjodu bejn l-2007 u l-2013. L-objettivi speċifiċi tal-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja huma elenkati fl-Artikolu 1.3 tad-Deċiżjoni.

2.   Eliġibbiltà

Il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja japplika għat-tipi u għal-livelli kollha ta' edukazzjoni u ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, u huwa aċċessibbli għall-entitajiet kollha elenkati fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni.

L-applikanti jridu jkunu stabbiliti f’wieħed mill-pajjiżi li ġejjin (2):

is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

il-pajjiżi taż-ŻEE/EFTA: l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera

Il-pajjiżi kandidati: il-Kroazja, it-Turkija.

Barra minn hekk, l-applikanti minn Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mir-Repubblika tas-Serbja huma eliġibbli għall-azzjonijiet kollha tal-programm elenkati fil-Punt A.2 tal-Anness għad-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE (3).

Barra minn hekk ukoll, l-applikanti minn Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja huma eliġibbli għall-azzjonijiet li ġejjin (4):

Żjarat Preparatorji tal-Comenius, Grundtvig, Erasmus u Leonardo da Vinci,

Taħriġ ta' aġġornament fuq ix-xogħol Comenius u Grundtvig,

Żjarat u skambji Grundtvig

Mobbiltà għall-istudju tal-Istudenti, Erasmus,

Mobbiltà tal-Personal Erasmus – Assenjazzjonijiet ta' Tagħlim

Żjarat ta' studju skont l-Attività Ewlenija 1 tal-Programm Transversali

Mobbiltà Leonardo da Vinci

Skont l-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-PTĦ, il-proġetti u n-netwerks multilaterali taħt Comenius, Erasmus, Leonardo da Vinci, Grundtvig u l-attivitajiet ewlenin tal-Programm Trasversali huma miftuħa wkoll għal-imsieħba minn pajjiżi terzi oħra. Tista' tirreferi għall-Gwida PTĦ 2012 għad-dettalji tal-azzjonijiet ikkonċernati u l-modalitajiet tal-parteċipazzjoni.

3.   Baġit u tul tal-proġetti

Il-baġit totali allokat għal din is-sejħa huwa stmat għal EUR 1 141 484 000.

Il-livell ta' għotjiet mogħtija kif ukoll it-tul tal-proġetti jvarja skont fatturi bħalma huma t-tip ta' proġett u l-għadd ta' pajjiżi involuti.

4.   Id-data tal-għeluq biex jitressqu l-applikazzjonijiet

L-iskadenzi ewlenin huma kif ġej:

Il-Mobilità tal-Istudenti Individwali Comenius

1 ta' Diċembru 2011

Comenius, Grundtvig: Taħriġ intern

 

l-ewwel skadenza:

16 ta' Jannar 2012

skadenzi aktar imbiegħda:

30 ta' April 2012

17 ta' Settembru 2012

Assistentati Comenius

31 ta' Jannar 2012

Comenius, Erasmus, Leonardo da Vinci, Grundtvig: Proġetti multilaterali, Netwerks u Miżuri li Jakkumpanjawhom

2 ta' Frar 2012

Leonardo da Vinci: Proġetti multilaterali għat-Trasferiment tal-Innovazzjoni

2 ta' Frar 2012

Leonardo da Vinci: Mobilità (inkluż iċ-ċertifikat ta' mobilità ta' Leonardo da Vinci);

Erasmus: Korsijiet Intensivi tal-Lingwa

3 ta' Frar 2012

Il-Programm Jean Monnet

15 ta' Frar 2012

Comenius, Leonardo da Vinci, Grundtvig: Sħubijiet;

Comenius: Is-Sħubijiet Comenius Regio:

Grundtvig: Sessjonijiet ta' ħidma

21 ta' Frar 2012

Erasmus: Programmi Intensivi, Mobilità tal-istudenti għall-istudji u l-għoti ta' post (inkluż iċ-ċertifikat ta' għoti ta' post mill-konsorzju ta' Erasmus) u l-Mobbiltà tal-Persunal (xogħol ta' tagħlim u taħriġ tal-persunal)

9 ta' Marzu 2012

Grundtvig: Assistentati, Proġetti ta' Volontarjat mal-Anzjani;

30 ta' Marzu 2012

Programm Trasversali: L-attività prinċipali 1 – Żjajjar ta' studju

 

L-ewwel skadenza:

30 ta' Marzu 2012

It-tieni skadenza:

12 ta' Ottubru 2012

Programm Trasversali: l-attivitajiet l-oħrajn kollha

1 ta' Marzu 2012

Għaż-Żjajjar u l-Iskambji ta' Grundtvig u għaż-Żjajjar Preparatorji taħt il-programmi settorjali kollha jeżistu bosta skadenzi skont il-pajjiż partikulari. Jekk jogħġbok irreferi għas-sit tal-Aġenzija Nazzjonali rilevanti f'pajjiżek.

5.   Id-dettalji kollha

It-test sħiħ tas-“Sejħa Ġenerali tal-PTĦ għall-proposti 2011-2013 – Prijoritajiet tal-Istrateġija 2012”, flimkien mal-“Gwida tal-Programm tal-PTĦ 2012” u l-informazzjoni dwar id-disponibilità tal-formoli tal-applikazzjoni jinsabu f'dan l-indirizz tal-internet: http://ec.europa.eu/education/llp/doc848_en.htm

L-applikazzjonijiet iridu jirrispettaw it-termini kollha tat-test sħiħ tas-Sejħa u tal-Gwida tal-Programm tal-PTĦ, u jitressqu fuq il-formoli t-tajbin li huma pprovduti.


(1)  Id-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja http://eur-lex.europa.eu/lex/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2006:327:0045:0068:EN:PDF u d-Deċiżjoni Nru 1357/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE: http://eur-lex.europa.eu/lex/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2008:350:0056:0057:EN:PDF

(2)  Ħlief għall-programm Jean Monnet li hu miftuħ għall-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja mad-dinja kollha.

(3)  Soġġett għall-iffirmar ta' Memorandum ta' Fehim bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' kull wieħed minn dawn il-pajjiżi rispettivament. Jekk il-Memorandum ta' Fehim ma jkunx ġie ffirmat sal-ewwel tax-xahar ta' meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar l-għotjiet, il-parteċipanti minn dawn il-pajjiżi ma jingħatawx fondi u ma jitqiesux fir-rigward tad-daqs minimu tal-konsorzji/l-isħubiji.

(4)  Abbażi tal-Ftehim ta' Finanzjament bejn il-Gvern ta’ Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonjau l-Kummissjoni Ewropea, iffirmat fil-21 ta' Diċembru 2010, dwar il-Programm Nazzjonali għall-Komponent I skont l-Istrument għall-Għajnuna ta' qabel l-adeżjoni – Ġestjoni ċentralizzata, għas-sena 2009, li jipprevedi finanzjament mill-UE tal-proġett 4.3 “Miżuri preparatorji għall-programmi ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja u Żgħażagħ fl-Azzjoni”.


PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/16


Notifika tal-inizjazzjoni ta’ proċedura antidumping fir-rigward tal-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-azzar miksija b’materjal organiku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2011/C 373/10

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar miksijin bi prodott organiku, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, qed ikunu l-oġġett ta’ dumping u għalhekk qegħdin joħolqu ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment tressaq fis-7 ta’ Novembru 2011 mill-EUROFER (“l-ilmentaturl-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon prinċipali, li f’dan il-każ huwa ta’ aktar minn 70 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti prodotti tal-azzar miksijin bi prodott organiku.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa ċerti prodotti tal-azzar miksijin bi prodott organiku, jiġifieri prodotti ċatti mremblin tal-azzar mhux illigat u l-azzar illigat (bl-esklużjoni tal-azzar li ma jissaddadx) li jkunu miżbugħin, miksijin bil-verniċ jew miksijin b'xi plastik tal-inqas minn naħa waħda, bl-esklużjoni tal-hekk imsejħa “sandwich panels” tat-tip li jintużaw għall-applikazzjonijiet tal-bini u li jikkonsistu minn żewġ folji tal-metall fuq in-naħa ta' barra b'ġewwieni li jistabbilizza ta’ materjal insulatur li jkun maqbud bejniethom, u bl-esklużjoni ta' prodotti li jkollhom kisja finali ta’ trab taż-żingu (applikazzjoni ta’ żebgħa b'ammont kbir ta’ żinguli jingħata b'applikatur ċilindriku (roll coater), b’kontenut taż-żingu li jkun tal-inqas 70 % jew aktar tal-massa tar-raża) (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

3.   L-allegazzjoni tad-dumping  (2)

Il-prodott li allegatament qed ikun l-oġġett ta’ dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), li attwalment huwa klassifikat bil-kodiċi CN ex 7210 70 80, ex 7212 40 80, ex 7225 99 00, ex 7226 99 70. Dawn il-kodiċijiet CN qed jingħataw biss għal finijiet ta’ informazzjoni.

Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, il-pajjiż ikkonċernat huwa kkunsidrat bħala pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, l-ilmentatur stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina abbażi tal-prezz f’żewġ pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Kanada u l-Afrika t’Isfel. L-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell tal-fabbrika) tal-prodott li qed jinġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Abbażi ta’ dan, il-marġnijiet tad-dumping ikkalkolati huma sinifikanti għall-pajjiż ikkonċernat.

4.   L-allegazzjoni tal-ħsara

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u żdiedu wkoll f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li ngħatat mill-ildmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħin, fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

5.   Il-proċedura

Wara li ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika l-inizjazzjoni ta' proċedura, il-Kummissjoni b'dan qed tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat hux qed ikun l-oġġett ta’ dumping u jekk dan id-dumping ikkawżax ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.   Il-proċedura biex jiġi ddeterminat id-dumping

Il-produtturi esportaturi (3) tal-prodott li qed jiġi investigat li huma mill-pajjiż ikkonċernat, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.1.   Il-proċedura għall-għażla ta’ produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati fil-pajjiż ikkonċernat

(a)   It-teħid tal-kampjun

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan il-proċediment, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid ta’ kampjun”). It-teħid ta' kampjun se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjun ikunx meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu li jidentifikaw ruħhom quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta' kuntatt,

il-fatturat fil-valuta lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott li qiegħed jiġi investigat mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzoni (“PI”) bejn l-1 ta' Ottubru 2010 u t-30 ta' Settembru 2011 għal kull wieħed mis-27 Stat Membru (4) separatament u bħala total,

il-fatturat fil-valuta lokali u l-volum f’tunnellati tal-prodott li qed jiġi investigat mibjugħ fis-suq domestiku matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (“PI”) bejn l-1 ta’ Ottubru 2010 u t-30 ta’ Settembru 2011,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott li qiegħed jiġi investigat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (5) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew fis-suq domestiku) tal-prodott li qed jiġi investigat,

kull informazzjoni rilevanti oħra li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Il-produtturi esportaturi għandhom jindikaw ukoll jekk, f’każ li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun, jixtiqux jirċievu kwestjonarju u formoli oħra ta’ talba sabiex jimlewhom u b’hekk jitolbu marġni ta’ dumping individwali skont it-taqsima (b) hawn taħt.

Meta l-kumpanija tipprovdi l-informazzjoni ta' hawn fuq, hi tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun ifisser li din trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġu vverifikati it-twġibiet tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din se titqies li ma kkoperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-produtturi esportaturi li ma jikkoperawx huma msejsa fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkoperat.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, għajr l-informazzjoni mitluba hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kwestjonarju mimli se jkollu informazzjoni dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tal-produttur esportatur, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispejjeż tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat u l-bejgħ lill-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

Il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma ntgħażlux biex ikunu fil-kampjun għandhom jitqiesu li kkoperaw (“produtturi esportaturi li kkoperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”). Mingħajr ħsara għat-taqsima (b) ta' hawn taħt, id-dazju tal-antidumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux magħżula li kkooperaw mhux se jkun aktar mill-marġni ta’ dumping medju peżat stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (6).

(b)   Il-marġni individwali ta’ dumping għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhumiex inklużi fil-kampjun jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġnijiet ta’ dumping individwali tagħhom (“marġni ta’ dumping individwali”). Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġni ta’ dumping individwali għandhom jitolbu kwestjonarju u formoli oħrajn ta’ talba skont it-taqsima (a) ta’ hawn fuq u jibagħtuhom lura mimlija kif mitlub fl-iskadenzi speċifikati fis-sentenza li ġejja u fit-taqsima 5.1.2.2 hawn taħt. Il-kwestjonarju mimli għandu jiġi ppreżentat fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Għandu jiġi enfasizzat li, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi marġni ta’ dumping individwali għal dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, għandu jkun hemm provi li dawn jissodisfaw il-kriterji sabiex jingħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jew tal-inqas trattament individwali (“TI”) kif speċifikat fit-taqsima 5.1.2.2. hawn taħt.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni individwali ta’ dumping għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta’ dumping individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun ta’ piż żejjed u tfixkel li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.1.2.   Il-proċedura addizzjonali fir-rigward tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

5.1.2.1.   L-Għażla ta’ Pajjiż Terz b’Ekonomija tas-Suq

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-taqsima 5.1.2.2 hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat il-valur normali għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan l-għan il-Kummissjoni għandha tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq adattat. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra l-Kanada jew l-Afrika t’Isfel. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar l-adegwatezza ta' dawn il-pajjiżi fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.1.2.2.   It-trattament ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq  (7)

B'konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, jistgħu jressqu talba sostanzjata kif xieraq għal dan l-għan (“talba għal TES”). It-trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jingħata jekk il-valutazzjoni tat-talba għal TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (8) huma ssodisfati. Il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw TES se jiġi kkalkulat, sa fejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

Produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat jistgħu wkoll, jew bħala alternattiva, jitolbu trattament individwali (“TI”). Sabiex jingħataw TI, dawn il-produtturi esportaturi għandhom jipprovdu evidenza li huma jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (9). Il-marġni ta' dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tagħhom stess. Il-valur normali għall-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jissejjes fuq il-valuri stabbiliti għall-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq magħżul kif deskritt hawn fuq.

(a)   Trattament ta’ ekonomija tas-suq (TES)

Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta’ talba għal TES lill-produtturi esportaturi kollha fil-pajjiż ikkonċernat, magħżula biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi li kkoperaw mhux inklużi fil-kampjun u li jixtiequ japplikaw għal marġni ta’ dumping individwali, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu TES għandhom jissottomettu formola ta’ talba għal TES mimlija fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun jew tad-deċiżjoni li ma jintgħażilx kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(b)   Trattament individwali (TI)

Biex japplikaw għal TI, il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat magħżula biex ikunu fil-kampjun u l-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u li jixtiequ japplikaw għal marġni ta’ dumping individwali, għandhom jissottomettu l-formola ta’ talba għal TES bit-taqsimiet rilevanti għat-TI mimlija kif xieraq fi żmien 21 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.1.3.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (10)  (11)

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment u sabiex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal numru raġonevoli l-għadd ta’ importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid ta’ kampjun”). It-teħid tal-kampjun se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjun huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta' kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott li qiegħed jiġi investigat,

il-fatturat totali għall-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2010 u t-30 ta' Settembru 2011,

il-volum f’tunnellati u l-valur f’EUR tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni u tal-bejgħ mill-ġdid li jsir fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ bejn l-1 ta' Ottubru 2010 u t-30 ta' Settembru 2011 tal-prodott importat li qed jiġi investigat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (12) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat,

kull informazzjoni rilevanti oħra li tista’ tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta l-kumpanija tipprovdi l-informazzjoni ta' hawn fuq, hi tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun ifisser li din trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din se titqies li ma kkoperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkoperawx jiġu msejsa fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkoperat.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ wkoll tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, għajr l-informazzjoni mitluba hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat fl-Unjoni u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati kollha magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati li għandhom jiġu inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom iressqu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju mimli għandu jinkludi informazzjoni dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara

Ħsara tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew theddid ta’ ħsara materjali lill-industrija, jew dewmien materjali fit-twaqqif ta’ industrija bħal din. Id-determinazzjoni tal-ħsara tiġi msejsa fuq evidenza pożittiva u tinvolvi studju oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara materjali, il-produtturi tal-prodott fl-Unjoni li qed jiġi investigat, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji stabbiliti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid ta’ kampjun”). It-teħid ta’ kampjun jitwettaq skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun provviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (għal dan għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt ipprovduti fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għaliex għandhom jiġu inklużi fil-kampjun għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra fir-rigward tal-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha, dwar il-kumpaniji li fl-aħħar mill-aħħar ikunu ntgħażlu għall-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut se jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, dwar il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispiża tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ħsara kkawżata minnu, għandha tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw rwieħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm konnessjoni oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw rwieħhom fil-limitu taż-żmien stipulat hawn fuq jistgħu jipprovdu l-informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata f'format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk meta tingħata tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Il-partijiet interessati kollha, soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-notifika, huma mistiedna jagħtu l-opinjoni tagħhom, iressqu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Jekk ma jiġix speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.   Il-possibbiltà ta’ seduta ta’ smigħ mas-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal seduta ta’ smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta' smigħ għandha titressaq fil-limiti tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Struzzjonijiet dwar kif għandhom isiru s-sottomissjonijiet bil-miktub u kif għandhom jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet bil-miktub kollha, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristrett” (13).

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali ta' din skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mitluba jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-posta elettronika, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kwalunkwe Prokuri, ċertifikazzjonijiet iffirmati u aġġornamenti tagħhom li jakkumpanjaw il-formoli ta’ talba għal TES u għal TI, jew ir-risposti tal-kwestjonarju, għandhom jiġu sottomessi b’mod fiżiku, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta’ hawn taħt. Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, jekk parti interessata ma tkunx tista’ tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku, hija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b’dan minnufih. Għal aktar informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġna tal-internet rilevanti fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/trade-defence

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

Posta elettronika: TRADE-OCS-DUMPING@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta' koperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fl-iskadenzi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ titwarrab u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkoperax jew tikkopera biss parzjalment u s-sejbiet ikunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikkoperat.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet minn partijiet terzi għal seduta ta’ smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jitħaddmu b’mod sħiħ.

Talba għal seduta mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika għal liema raġunijiet tkun qiegħda ssir. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba tista’ titressaq fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta’ smigħ għandha titressaq fil-limiti tal-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jipprovdi wkoll l-opportunitajiet biex issir seduta ta’ smigħ li tinvolvi l-partijiet u tippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Seduta ta’ smigħ ta’ dan it-tip, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (14).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Id-dumping huwa l-prattika tal-bejgħ ta' prodott għall-esportazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) bi prezz iktar baxx mill-“valur normal” tiegħu. Il-valur normali ġeneralment jitqies bħala prezz paragunabbli għall-prodott “simili” fis-suq domestiku tal-pajjiż ikkonċernat. It-terminu “prodott simili” huwa interpretat li jfisser prodott li huwa simili f’kull rigward għall-prodott ikkonċernat jew, fl-assenza ta’ prodott bħal dan, prodott li jixbah ħafna lill-prodott.

(3)  Il-produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament jew permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(4)  Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, u r-Renju Unit.

(5)  B'konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta’ xulxin; (b) huma legalment rikonoxxuti bħala msieħba fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament hija s-sid, tikkontrolla jew għandha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew għat-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw direttament jew indirettament terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja biss jekk ikollhom ir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn genitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(6)  Skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku, kull marġni żero u de minimis, u marġnijiet stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ma għandhomx jitqiesu.

(7)  Minkejja l-fatt li f’dan il-subparagrafu tissemma biss il-possibbiltà li jintalbu TES jew TI, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi esportaturi kollha biex jikkoperaw u jipparteċipaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni bil-għan li jinkiseb marġni ta’ dumping individwali u dazju tal-antidumping individwali, anki jekk jikkunsidraw li jista’ jkun li la jissodisfaw il-kriterji biex jingħataw TES u lanqas dawk biex jingħataw TI. F’tali sitwazzjonijiet, il-Kummissjoni tiġbor informazzjoni fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet espressi mill-Korp tal-Appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rapport tiegħu f’DS 397 (KE-Qfieli), b’mod partikolari l-punti 371-384 tiegħu. (Ara http://www.wto.org). Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni tiġbor din l-informazzjoni huwa bla ħsara għal jekk l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li torbot xi konsegwenzi ma' dik id-deċiżjoni f'din l-investigazzjoni u dawn x'se jkunu.

(8)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż ta’ negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat; (ii) l-impriżi għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords ta’ kontabbiltà bażika li jiġu vverifikati b’mod indipendenti skont standards internazzjonali ta’ kontabbiltà u li jiġu applikati għall-għanijiet kollha; (iii) m’hemmx tagħwiġ sinifikanti ttrasferit mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet tal-falliment u tal-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbiltà legali u (v) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

(9)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) fil-każ ta’ kumpaniji jew ditti konġunti totalment jew parzjalment f’idejn barranin, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti; (ii) il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ esportazzjoni u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma ddeterminati liberament; (iii) il-maġġoranza tal-ishma tappartjeni għal persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jiffurmaw parti mill-Bord tad-Diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet maniġerjali ewlenin għandhom ikunu f’minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed mill-indħil tal-Istat; (iv) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq u (v) l-indħil mill-Istat mhuwiex tali li jippermetti evażjoni tal-miżuri jekk l-esportaturi individwali jingħataw rati differenti ta’ dazju.

(10)  Huma biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi li jistgħu jiddaħħlu fil-kampjun. L-importaturi li jiġu mill-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 5.

(11)  Id-dejta pprovduta minn importaturi li mhumiex relatati tista’ tintuża wkoll fir-rigward ta’ aspetti ta’ din l-investigazzjoni għajr għad-determinazzjoni tad-dumping.

(12)  Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 5.

(13)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li jitqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(14)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 373/23


Avviż tal-iskadenza ta' ċerti miżuri tal-antidumping

2011/C 373/11

B'referenza għall-pubblikazzjoni ta' avviż ta' skadenza imminenti (1), liema avviż ma wassal għal ebda talba sostanzjata kif għandu jkun għal reviżjoni, il-Kummissjoni tavża li l-miżuri anti-dumping imsemmija hawn isfel se jiskadu dalwaqt.

Dan l-avviż huwa ppubblikat b'konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 (2) dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.

Prodott

Pajjiż(i) tal-oriġini jew tal-esportazzjoni

Miżuri

Referenza

Data tal-għeluq (3)

Soluzzjonijiet ta’ urea u ta' nitrat tal-ammonju

L-Alġerija

Il-Bjelorussja

Ir-Russja

L-Ukraina

Dazju antidumping

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1911/2006 (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 26), kif emendata bi: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2008 (ĠU L 213, 8.8.2008, p. 14) kif l-aħħar emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (EU) Nru 1251/2009 (ĠU L 338, 19.12.2009, p. 5)

22.12.2011

Impriża

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/649/KE (ĠU L 213, 8.8.2008, p. 39)


(1)  ĠU C 64, 1.3.2011, p. 11.

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  Il-miżura tiskadi f'nofsillejl tal-jum imsemmi f'din il-kolonna.