ISSN 1977-0987

doi:10.3000/19770987.C_2011.368.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 368

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
16 ta' Diċembru 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Qorti tal-Awdituri

2011/C 368/01

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Artemis għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

1

2011/C 368/02

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

8

2011/C 368/03

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

17

2011/C 368/04

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

24

2011/C 368/05

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

32

2011/C 368/06

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

40

2011/C 368/07

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

48

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti tal-Awdituri

16.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 368/1


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Artemis għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

2011/C 368/01

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta Artemis, li tinsab fi Brussell, twaqqfet f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin.

2.

L-objettiv prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li tiddefinixxi u timplimenta “Aġenda għar-Riċerka” għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin għas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter fl-oqsma kollha differenti ta’ applikazzjoni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u s-sostenibbiltà, u tippermetti l-ħolqien ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà (2).

3.

Il-Membri Fundaturi tal-Impriża Konġunta Artemis huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit u l-Artemisia, assoċjazzjoni li tirrappreżenta kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra tar-riċerka li huma attivi fil-qasam tas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter fl-Ewropa. Fl-2009, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja u n-Norveġja saru wkoll membri tal-Impriża Konġunta.

4.

Il-kontribut massimu tal-UE lill-Impriża Konġunta Artemis li jkopri l-ispejjeż operattivi u l-attivitajiet ta’ riċerka huwa ta’ EUR 420 miljun li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka (3). L-assoċjazzjoni Artemisia għandha tagħmel kontribut ta’ mhux aktar minn EUR 30 miljun għall-ispejjeż operattivi. L-Istati Membri fl-Artemis għandhom jagħmlu kontributi in natura għall-ispejjeż operattivi (permezz tal-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti), u jagħmlu kontributi finanzjarji li għandhom jammontaw għal mill-inqas 1,8 darbiet aktar mill-kontribut finanzjarju tal-UE. Kontributi in natura għandhom jingħataw ukoll mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka li qegħdin jieħdu sehem fi proġetti.

5.

L-Impriża Konġunta bdiet taħdem b’mod awtonomu fis-26 ta’ Ottubru 2009.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

Skont id-diżpożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Impriża Konġunta Artemis li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

7.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

8.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (8). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (9) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (10) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

9.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

10.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u tal-ISSAI (11). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

11.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

12.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali tal-Impriża Konġunta Artemis jippreżentaw b’mod ġust fir-rispetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal- Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

15.

Il-kummenti li ġejjin fil-paragrafi 16 sa 26 ma jixtħux f’dubju l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

16.

Għall-kuntrarju tal-Artikoli 29 sa 31 tar-regoli finanzjarji għall-Impriża Konġunta, il-baġit tal-2010 ma ġiex adottat sal-aħħar tas-sena li għaddiet (adottat fit-28 ta’ Jannar 2010). L-istruttura u l-preżentazzjoni tiegħu ma kinux skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji.

17.

Il-baġit finali jinkludi l-ħlas ta’ approprjazzjonijiet ta’ EUR 27 miljun. Ir-rata ta’ utilizzazzjoni kienet ta’ 37,7 %. Depożiti f'kontijiet bankarji fl-aħħar tas-sena ammontaw għal EUR 16,6 miljun (60 % tal-approprjazzjonijiet ta’ ħlas disponibbli fl-2010). Skont l-Impriża Konġunta, ir-rata ta’ implimentazzjoni relattivament baxxa ta’ approprjazzjonijiet ta’ ħlas tirrifletti d-dewmien fil-livell ta’ Stat Membru fl-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għoti nazzjonali (12).

Is-sistemi ta’ kontroll intern

18.

L-Impriża Konġunta ma implimentatx b’mod sħiħ il-kontrolli interni tagħha u s-sistemi ta’ informazzjoni finanzjarji matul l-2010. B’mod partikolari, aktar xogħol hu meħtieġ fuq il-verifika operattiva għal klejms ta’ spejjeż, fuq l-assigurazzjoni pprovduta miċ-ċertifikati tal-awtoritajiet nazzjonali u l-istrateġija ex post ta’ verifika. Dawn huma elementi importanti għas-sistema tal-Impriża Konġunta ta’ kontroll intern.

19.

Fil-qasam ta’ verifika ex ante, il-fiduċja titpoġġa b’mod sħiħ kollha fuq iċ-ċertifikati pprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali u ma twettqu l-ebda kontrolli oħra biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarji.

20.

Il-verifika ex post ta’ klejms ta’ spejjeż relatati mal-proġetti ġiet delegata b’mod sħiħ lill-Istati Membri, mingħajr ma jiġi eżerċitat l-ebda kontroll mill-Impriża Konġunta (13). Dan se jagħmilha diffiċli għall-Impriża Konġunta sabiex tiżgura: i) li l-interessi finanzjarji tal-Membri tagħha jiġu mħarsa adegwatament, kif meħtieġ mir-Regolament tal-Kunsill (14), u ii) il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

21.

L-analiżi limitata tal-kontrolli tal-IT uriet li l-Impriża Konġunta għandha livell adegwata ta’ tmexxija u prattika tal-IT għad-daqs u l-missjoni tagħha, imma l-formalizzazzjoni ta’ politiki u proċeduri, madankollu għadha lura f’ċerti oqsma (15).

22.

L-Uffiċjal tal-Kontijiet tal-Impriża Konġunta vvalida s-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità (ABAC u SAP), imma għadu ma vvalidax l-proċessi tan-negozju ta’ bażi li jipprovdi informazzjoni finanzjarja, partikolarment dak li jipprovdu informazzjoni finanzjarja dwar il-validazzjoni u l-pagamenti tal-klejms ta’ spejjeż li waslu mill-awtoritajiet nazzjonali.

23.

Għall-kuntrarju tal-Artikolu 103 tar-regoli finanzjarji tagħha, l-Impriża Konġunta għadha ma implimentatx proċedura interna għat-tnaqqis tal-interess ġenerat mill-prefinazjamenti mill-pagament tal-bilanċ ta’ ammonti dovuti lill-benefiċjarji.

KWISTJONIJIET OĦRA

Il-Funzjoni ta’ verifika interna u s-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni

24.

L-Artikolu 6.2 tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Artemis jistipula li l-Impriża Konġunta għandha jkollha l-kapaċità ta’ verifika interna tagħha. Madankollu, sal-aħħar tal-2010, dan l-element importanti tas-sistema ta’ kontroll intern kien għadu ma ġiex stabbilit.

25.

Fir-rapport preċedenti tagħha, il-Qorti saħqet fuq il-ħtieġa li tiġi kjarifikata d-dispożizzjoni fl-Istatuti tal-Impriża Konġunta dwar l-irwol tal-awditur intern tal-Kummissjoni. Għalkemm ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta għadhom ma ġewx emendati biex jinkludu d-dispożizzjoni li tirreferi għall-poteri tal-awditur intern tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni u l-Impriża Konġunta ħadu azzjoni biex jiżguraw li l-irwoli operattivi rispettivi tas-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni u l-funzjoni tal-verifika interna tal-Impriża Konġunta huma definiti b’mod ċar.

Nuqqas ta’ ftehim dwar l-ospitalità

26.

Kif irrappurtat qabel mill-Qorti, skont ir-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Konġunta, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-ospitalità bejn l-Impriża Konġunta u l-Belġju dwar l-akkomodazzjoni għall-uffiċċji, il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jipprovdi l-Belġju. Iżda, sal-aħħar tal-2010, l-ebda ftehim bħal dan kien għadu ma ġie ffirmat.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 (KE) dwar it-twaqqif tal-“Impriża Konġunta Artemis” għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52).

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, attivitajiet u riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Huwa ppreżentat għal għanijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Is-Seba’ Programm Kwadru, adottat mid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jiġbor flimkien l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka taħt saqaf wieħed u għandu rwol kruċjali fil-ksib tal-iskopijiet ta’ tkabbir, kompetittvità u impjiegi. Huwa ukoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

(4)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(5)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-fluss ta’ flus, l-istqarrija ta’ bidliet f’assi netti u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludu d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(9)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(10)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.07.2008, p. 23) u huma fil-fatt inkorporati fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunt.

(11)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(12)  L-Impriża Konġunta tagħmel pagamenti ta’ prefinanzjament għal proġetti biss ladarba l-ftehimiet ta’ għotja nazzjonali ġew iffirmati mill-awtoritajiet nazzjonali. Fl-aħħar tas-sena, kien għad hemm ftehimiet ta’ għotja nazzjonali għas-sejħiet tal-2008 u tal-2009 li ma kinux ġew iffirmati.

(13)  Il-ftehimiet amministrattivi ffirmati mill-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Iffinanzjar (NFAs) ma jispjegawx b'mod dettaljat l-arranġamenti prattiċi għall-verifiki ex post (jiġifieri l-metodoloġija tal-verifika, proċeduri li jridu jiġu applikati) li għandhom jitwettqu mill-NFA’s. L-NFA’s huma legalment marbuta biss biex jikkomunikaw r-riżultati ta’ dawn il-verifiki lill-Impriża Konġunta.

(14)  L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Impriża Konġunta jiddikjara li l-Impriża Konġunta “għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha ikunu adegwatament protetti billi twettiq jew tqabbad lil min iwettaq kontrolli interni u esterni adatti” u li “għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki finanzjarji fost id-destinatarji tal-finanzjament pubbliku tal-Impriża Konġunta Artemis. Il-kontrolli u l-verifiki għandhom isiru direttament mill-Impriża Konġunta Artemis jew mill-Istati Membri Artemis f’isimha.”

(15)  (a) ċiklu strateġiku mhux komplut ta’ ppjanar u monitoraġġ tal-IT, (b) nuqqas ta’ politiki u regoli kompluti ta’ sigurtà formali, (c) ġestjoni ta’ Riskju tal-IT mhux kompluta (d) nuqqas ta’ Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju (BCP) u Pjan ta’ Irkupru ta’ Diżastru komplut u ttestjat (DRP).


ANNESS

Impriża Konġunta Artemis (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

l-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(Is-siltiet mill-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Unjoni tista’ toħloq impriżi komuni jew kull struttura oħra neċessarja għall-esekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimonstrazzjoni tal-Unjoni.

Il-komptenzi tal-Impriża Konġunta

(Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 74/2008)

L-Objettivi

L-Impriza Konġunta Artemis għandha tikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru u t-Tema “Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni” tal-Programm Speċifiku “Koperazzjoni”.

Il-Kompiti

tiddefinixxi u timplimenta “Aġenda ta’ Riċerka” għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin għal Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter;

tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Attivitajiet ta’ R & Ż partikolarment billi tagħti finanzjament lil parteċipanti fi proġetti magħżula wara sejħiet kompetittivi għall-proposti;

tippromwovi sħubija pubblika-privata mmirata lejn il-mobilizzazzjoni u l-ġbir tal-isforzi tal-Unjoni, nazzjonali u privati, li żżid l-investimenti globali fl-R&Ż fil-qasam tas- Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter;

tikseb sinerġija u koordinazzjoni tal-isforzi R & Ż fil-qasam tas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter;

tippromwovi l-involviment ta’ SMEs.

It-tmexxija

1 –   Il-Bord ta’ Tmexxija (BT)

il-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà kumplessiva għall-operazzjoniiet tal-Impriża Konġunta u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha.

2 –   Id-Direttur

id-Direttur Eżekuttiv huwa responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta skont id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija u jkun ir-rappreżentant ġuridiku tagħha.

3 –   Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi

huwa responsabbli għad-deċiżjonijiet tal-iskop u l-baġit tas-sejħiet għal proposti, l-għażla ta’ proposti u l-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi għal proposti magħżula.

4 –   Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka

jelabora l-pjan strateġiku multiannwali kif ukoll l-aġenda ta’ riċerka u l-programm ta’ ħidma annwali.

5 –   Il-verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

6 –   L-Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2010

Il-Baġit

il-baġit jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 38,5 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 27 miljun.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010

8 karigi mogħtija fil-pjan ta’ twaqqif, li minnhom 7 kienu okkupati

Persunal ieħor:

Esperti Nazzjonali Ssekondati: 0

Persunal kuntrattwali: 4

Persunal lokali: 0

Persunal Totali impjegat: 11

Allokati lil:

Attivitajiet Operazzjonali 5

Kompiti amministrattivi: 4

Kompiti mħallta: 2

L-attivitajiet u s-servizzi mogħtija fl-2010

Ġiet organizzata Sejħa għal Proposti fl-2010 bi baġit totali ta’ EUR 93 miljun.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA ARTEMIS

Paragrafu 16

Ġaladarba l-parti operattiva tal-baġit tiddependi mill-impenn tal-Istati Membri, u peress li għall-biċċa l-kbira tagħhom dan jista' jkun possibbli biss wara l-adozzjoni tal-baġit nazzjonali, il-baġit ġie adottat mill-Bord Amministrattiv matul il-laqgħa tiegħu ta’ Jannar 2011.

L-istruttura u l-preżentazzjoni tal-baġit ġew adattati fil-baġit 2011, skont ir-rimarki u r-rakkomandazzjonijiet li kienu saru mill-Qorti tal-Awdituri.

Paragrafu 17

Naqblu mal-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri. Artemis qiegħda tagħmel li tista' biex tħaffef il-pass tal-proċess.

Paragrafu 20

Prinċipalment, il-verifiki ex post jiġu ddelegati lill-Istati Membri ta’ Artemis. Qed jitbassru xi eċċezzjonijiet fl-istrateġija tal-verifika ex post adottata. Bħalissa Artemis qiegħda tiġbor tagħrif dwar id-diversi strateġiji nazzjonali mill-Istati Membri u dwar ir-riżultati tal-verifika ex post. Imbagħad biħsiebna nanalizzaw mal-IAS (l-awditur intern ta’ Artemis) l-mod kif nistgħu ntejbu u nirrevedu l-istrateġija tagħna.

Paragrafu 21

Il-formalizzazzjoni tal-politiki u tal-proċeduri għadha għaddejja, u għadha ma tlestiet minħabba s-sitwazzjoni temporanja tas-sede proviżorja ta’ Artemis matul l-2010.

Paragrafu 22

Inkwantu l-proċessi kummerċjali l-oħrajn, Artemis tiddependi mill-informazzjoni mogħtija mill-Awtoritajiet Nazzjonali u qiegħda taħdem ħalli ttejjeb is-sistema. (ara 20)

Paragrafu 23

Fi ħdan l-ABAC (għodda tal-IT li tittratta l-kontijiet u l-pagamenti), Artemis tuża proċedura biex tnaqqas l-interessi fuq il-prefinanzjamenti, b'mod konformi mat-tbassir u mad-dokumentazjoni fl-ABAC mill-Kummissjoni Ewropea. Madankollu s'issa l-Awtoritajiet Nazzjonali ma ddikkjarawx interessi mill-prefinanzjamenti. Artemis biħsiebha tistaqsi lill-Awtoritajiet Nazzjonali kwantu r-regoli li jirrigwardaw l-obbligu tal-benefiċjarji li jiddikjaraw l-interessi ġġenerati mill-prefinanzjamenti.

Paragrafu 24

Dan il-punt qed jiġi ttrattat flimkien mas-Servizz tal-Verifika Interna tal-Kummissjoni.

Paragrafu 25

Il-Karta tas-Servizz tal-Verifika Interna tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Bord Amministrattiv fil-25 ta’ Novembru 2010. Ir-regoli finanzjarji ta’ Artemis ser jiġu emendati skont din l-adozzjoni fil-mument opportun.

Paragrafu 26

L-Impriża Konġunta Artemis qed tkompli tikkoopera fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim ta’ Stat Ospitant, u qed tistennna l-eżitu tal-fażi li jmiss tal-proċedura sabiex jiġi ffirmat il-ftehim.


16.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 368/8


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

2011/C 368/02

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta “Clean Sky”, li tinsab fi Brussell, twaqqfet f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin.

2.

L-objettiv tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” huwa li taċċelera l-iżvilupp, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji nodfa għat-Trasport bl-Ajru fl-UE għall-użu mill-aktar fis possibbli (2). L-attivitajiet tar-riċerka koordinati mill-Impriża Konġunta huma maqsumin f’sitt oqsma teknoloġiċi jew “Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata” (ITDs).

3.

Il-Membri li waqqfu l-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni u msieħba industrijali bħala l-mexxejja tal-ITDs, flimkien mal-membri assoċjati tal-ITDs.

4.

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta “Clean Sky” biex tkopri l-kost operazzjonali u l-attivitajiet ta’ riċerka hi ta’ EUR 800 miljun li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba’ Programm ta’ Qafas ta’ Riċerka (3). Membri oħrajn tal-Impriża Konġunta għandhom jikkontribwixxu riżorsi għall-inqas b’mod ugwali għall-kontribuzzjoni tal-UE, inklużi kontribuzzjonijiet in natura.

5.

L-Impriża Konġunta bdiet tiffunzjona b’mod awtonomu fis-16 ta’ Novembru 2009.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

7.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

8.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet (8) awtorizzati. Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (9) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (10) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

9.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

10.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (11). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

11.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontrolli interni rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġu kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata u tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

12.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha.

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

15.

Il-kummenti li jsegwu fil-paragrafi 16 – 25 li ġejjin ma jixħtux f’dubju l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

16.

L-istruttura u l-preżentazzjoni tal-baġit 2010 ma kinux konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Konġunta u lanqas mar-regoli finanzjarji tagħha (12).

17.

Il-baġit finali kien jinkludi approprjazzjonijiet għall-impenji ta’ EUR 168 miljun u approprjazzjonijiet għall-pagamenti ta’ EUR 129 miljun. Fil-fatt, filwaqt li r-rata ta’ użu għall-approprjazzjonijiet għall-impenji kienet 96 %, ir-rata tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti kienet biss 58 %. Dan jirrifletti d-dewmien sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet meta mqabbla mal-pjan inizjali (13). L-implimentazzjoni baxxa tal-baġit tirrifletti wkoll fil-bilanċ tal-flus kontanti tal-likwidità li kien ta’ EUR 53 miljun fl-aħħar tas-sena (41 % tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti disponibbli fl-2010).

Is-sistemi ta’ kontroll intern

18.

L-Impriża Konġunta ma implimentatx għal kollox l-kontrolli interni u s-sistemi ta’ informazzjoni finanzjarja tagħha matul l-2010. B’mod partikolari, jeħtieġ li jsir aktar xogħol fuq il-proċeduri ta’ kontroll ex ante applikati għall-validazzjoni tal-klejms għall-ispejjeż. Dawn huma elementi importanti tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta.

19.

Il-Qorti nnotat li f’dawk il-każijiet fejn Membru jew kumpanija assoċjata ma ppreżentawx iċ-ċertifikat ta’ verifika mitlub (14), l-Impriża Konġunta bir-raġun ma aċċetatx il-klejms tal-ispejjeż. Madankollu, f’erba’ każijiet, l-Impriża Konġunta, meta kienet qed tivvalida l-klejms tal-ispejjeż, ma qisitx eċċezzjonijiet inklużi fiċ-ċertifikati tal-verifika.

20.

Ir-reviżjoni limitata tal-kontrolli tal-IT uriet li l-Impriża Konġunta għandha livell adegwat ta’ tmexxija u prattika tal-IT għad-daqs u l-missjoni tagħha, iżda l-formalizzazzjoni ta’ politiki u proċeduri, madankollu, baqgħet lura f’ċerti oqsma (15).

21.

L-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” ivvalida s-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità (ABAC u SAP). Madankollu, il-proċessi ta’ negozju ta’ bażi li jipprovdu informazzjoni finanzjarja ma kinux ivvalidati, b’mod partikolari s-sistema li tipprovdi informazzjoni finanzjarja dwar il-validazzjoni tal-klejms tal-ispejjeż.

22.

F’Ottubru 2010, l-Impriża Konġunta adottat pjan strateġiku ta’ verifika interna għall-perjodu 2010-2012. Madankollu, huwa nnotat li wħud mill-proċessi ewlenin bħall-validazzjoni ex ante tal-klejms tal-ispejjeż, huma skedati li jiġu eżaminati fl-2011 u li l-verifiki ex post, kontroll ewlieni li jimmira li jivvaluta l-legalita u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, mhumiex ippjanati li jibdew qabel l-2011.

KWISTJONIJIET OĦRA

Il-Protezzjoni tal-Proprjetà Intellettwali

23.

Sal-aħħar tal-2010, l-Impriża Konġunta kienet għadha ma wettqitx il-proċeduri interni biex tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inklużi fil-konsorzju u fil-ftehimiet tal-għoti fir-rigward tal-protezzjoni, l-użu u t-tixrid ta’ riżultati ta’ riċerka.

Il-funzjoni ta’ verifika interna u s-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni

24.

Fir-rapport preċedenti tagħha, il-Qorti saħqet fuq il-ħtieġa li tiġi ċċarata d-dispożizzjoni fl-Istatuti tal-Impriża Konġunta dwar ir-rwol tal-awditur intern tal-Kummissjoni. Għalkemm ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta għad ma ġewx emendati biex jinkludu d-dispożizzjoni li tirreferi għall-poteri tal-awditur intern tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni u l-Impriża Konġunta ħadu azzjoni biex jiżguraw li r-rwoli operattivi rispettivi tas-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni u l-funzjoni tal-verifika interna tal-Impriża Konġunta huma definiti b’mod ċar.

Nuqqas ta’ ftehim ta’ Stat Ospitanti

25.

Kif ġie rrappurtat qabel, skont ir-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Konġunta, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-ospitalità bejn l-Impriża Konġunta u l-Belġju dwar l-akkomodazzjoni għall-uffiċċji, il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jipprovdi l-Belġju. Madankollu, sal-aħħar tal-2010 ebda ftehim bħal kien għadu ma ġie ffirmat.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 t'Ottubru 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

Il-President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta “Clean Sky” (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1).

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Is-Seba' Programm ta’ Qafas li ġie adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jgħaqqad flimkien l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka taħt saqaf wieħed u għandu rwol kruċjali fil-kisba tal-miri ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(4)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(5)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(9)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(10)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma inkorporati fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”.

(11)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(12)  Il-baġit ma kienx ippreżentat bħala dokument uniku iżda bħala parti mill-pjan annwali ta’ implimentazzjoni u ma inkludiex l-elementi kollha meħtieġa (pereżempju, il-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal).

(13)  L-attivitajiet ippjanati tal-2008 u l-2009 ma ġewx implimentati għal kollox fit-tmiem tal-2009 u dan wassal għal irkupri li jammontaw għal EUR 4,9 miljun matul l-2010. Fit-tmiem tal-2010, l-Impriża Konġunta ma kinitx irċeviet il-klejms għall-ispejjeż għall-attivitajiet tagħha tal-2010. Dawn għandhom jintbagħtu mill-benefiċjarji wara l-1 ta’ Marzu 2011.

(14)  Il-klejms tal-ispejjeż iridu jkunu akkumpanjati minn rapport indipendenti maħruġ minn awditur awtorizzat, skont it-termini ta’ referenza tal-ftehimiet tal-għotja.

(15)  (a) ċiklu strateġiku mhux komplut ta’ ppjanar u monitoraġġ tal-IT, (b) nuqqas ta’ politiki u regoli kompluti ta’ sigurtà formali, (c) ġestjoni ta’ Riskju tal-IT mhux kompluta (d) nuqqas ta’ Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju (BCP) u Pjan ta’ Irkupru ta’ Diżastru komplut u ttestjat (DRP).


ANNESS

Impriża Konġunta “Clean Sky” (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(Is-siltiet mill-Artikolu 171 u 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tipprevedi kontribut tal-Unjoni għat-twaqqif ta’ sħubiji pubbliċi-privati fit-tul f'forma ta’ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs, Joint Technology Initiatives) li jistgħu jkunu implimentati permezz ta’ Impriżi Konġunti skont it-tifsira tal-Artikolu 171 tat-Trattat.)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta “Clean Sky” (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 1).

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008)

L-Objettivi

l-Impriża Konġunta “Clean Sky” għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru u b'mod partikolari tat-Tema 7, Trasport (inkluża l-Aeronawtika) tal-Programm Speċifiku Kooperazzjoni;

li taċċelera fl-UE l-iżvilupp, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji nodfa għat-Trasport bl-Ajru għall-użu mill-aktar fis possibbli;

li tiżgura l-implimentazzjoni koerenti tal-isforzi tar-riċerka Ewropej li jimmiraw għat-titjib ambjentali fil-qasam tat-Trasport bl-Ajru;

li toħloq Sistema tat-Trasport bl-Ajru radikalment innovattiva, abbażi tal-integrazzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati u dimostrazzjonijiet fuq skala kbira, bil-mira li jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bl-ajru permezz ta’ tnaqqis sinifikanti tal-ħoss u l-emissjonijiet ta’ gass, flimkien ma’ titjib tal-ekonomija tal-fjuwil fl-ajruplani;

li taċċellera l-ħolqien ta’ konoxxenza ġdida, l-innovazzjoni u l-użu tar-riċerka bi prova tat-teknoloġiji rilevanti u sistema ta’ sistemi kompletament integrata, fl-ambjent operattiv adegwat, li jwasslu għal kompetittività industrijali aktar b'saħħitha.

Il-Kompiti

li tgħaqqad flimkien firxa ta’ Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata bl-enfasi fuq teknoloġiji innovattivi u l-iżvilupp ta’ dimostraturi fuq skala sħiħa;

li tiffoka l-isforzi fid-Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata fuq riżultati importanti li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u tal-kompetittività tal-Ewropa;

li ttejjeb il-proċess tal-verifika tat-tekonoloġija sabiex tidentifika u tneħħi l-ostakoli għall-penetrazzjoni futura tas-suq;

li tiġbor flimkien ir-rekwiżiti tal-utenti biex tiggwida l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp lejn soluzzjonijiet operazzjonali u kummerċjalizzabbli;

li timplimenta l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp meħtieġa, fejn ikun xieraq billi tagħti għotjiet wara sejħiet għal proposti;

li tagħmel għotjiet li jappoġġaw riċerka mwettqa mill-Membri tagħha u minn entitajiet oħra magħżula wara sejħiet għal proposti skond [skont] il-kriterji miftuħa maqbula mill-Bord ta’ Tmexxija;

li tippubblika informazzjoni dwar il-proġetti, inkluż l-isem tad-destinatarji u l-ammont tal-kontribut finanzjarju tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” għal kull destinatarju;

li tiżgura l-provvista ta’ kuntratti għal servizzi u għal provvisti, fejn ikun adegwat, permezz ta’ Sejħiet għal Offerti;

li timmobilizza l-finanzjament meħtieġ mis-settur pubbliku u dak privat;

li tikkonsulta mal-attivitajiet nazzjonali u internazzjonali fil-qasam tekniku tal-Impriża Konġunta, b'mod partikolari mal-Impriża Konġunta SESAR [1];

li tinforma, permezz ta’ laqgħat perijodiċi lill-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati Nazzjonali u tinvolvi lil ACARE;

li tinnotifika entitajiet ġuridiċi li jkunu kkonkludew ftehim dwar għotja mal-Impriża Konġunta “Clean Sky”, bl-opportunitajiet potenzjali għal self mill-Bank ta’ Investiment Ewropew, b'mod partikolari il-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Qsim tar-Riskju stabbilita skond [skont] is-Seba' Programm Kwadru.

It-tmexxija

1 –   Il-Bord ta’ Tmexxija

Il-Bord ta’ Tmexxija huwa l-korp ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”.

2 –   Id-Direttur

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għat-tmexxija ġenerali tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” u huwa r-rappreżentant ġuridiku tagħha. Għandu jirrapporta u jirrispondi għal għemilu lill-Bord ta’ Tmexxija.

3 –   Il-Kumitat ta’ Tmexxija ITD

Il-Kumitati ta’ Tmexxija tad-Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata (ITD) għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord ta’ Tmexxija għal kull wieħed mis-sitt Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata. Għandhom jiġu stabbiliti l-ITDs segwenti:

l-Inġenji tal-Ajru Intelliġenti bil-Ġwienaħ Fissi

l-Inġenji tal-Ajru Reġjonali Ambjentali

l-Inġenji tal-Ajru Ambjentali kbar li jaħdmu bir-rotors

is-Sistemi għal Operazzjonijiet Ambjentali

il-Magna Ambjentali u Sostenibbli

l-Eko-Disinn.

L-evalwatur tat-Teknoloġija indipendenti għat-tul kollu tas-“Clean Sky”.

4 –   Il-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati Nazzjonali

Il-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati Nazzjonali għandu jkun kompost minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u minn kull pajjiż assoċjat mal-Programm Kwadru. Hu għandu jeleġġi president minn fost il-membri tiegħu.

5 –   Il-Forum Ġenerali

Il-Forum Ġenerali huwa korp konsultattiv tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”. Il-Forum Ġenerali għandu jkun kompost minn rappreżentant wieħed minn:

kull Membru tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”;

kull Imsieħeb.

6 –   L-ISTAB

Il-Bord Konsultattiv Teknoloġiku u Xjentifiku u korp konsultattiv għall-Bord tat-Tmexxija. Magħmul minn inġiniera u xjentisti ta’ livell għoli, l-iskop tiegħu hu li jiffoka fuq l-analiżi xjentifika u teknika tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” minn perspettivi differenti: impatt ambjentali; tbassir teknoloġiku u xjentifiku; aspetti soċjali; ekonomija,

7 –   Il-verifika esterna

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

8 –   L-Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2010

Il-Bagit

168 553 053 EUR

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010

24 kariga mogħtija fil-pjan ta’ stabbiliment ta’ persunal temporanju u kuntrattwali), li minnhom 20 kienu okkupati

Persunal ieħor:

Seconded National Experts: 0

Esperti Nazzjonali Ssekondati: 0

Persunal kuntrattwali: 3

Persunal lokali: 0

Persunal totali impjegat: 20

Allokati lil:

Attivitajiet Operazzjonali: 8

Kompiti amministrattivi: 9

Kompiti mħallta: 3

L-attivitajiet u s-servizzi pprovduti fl-2010

L-Inġenji tal-Ajru Intelliġenti bil-Ġwienaħ Fissi

Id-definizzjoni ajrudinamika tad-disinn tal-ġwienaħ laminari. Twettqet il-fażi tal-fattibbiltà għall-integrazzjoni tal-magna CROR u CROR demo-FTB inkluża s-simulazzjoni numerika, u l-ittestjar fuq l-art subskala. It-test biex jitvaraw tad-disinn u l-manifattura tal-oġġetti tal-ittestjar tat-titjir ta’ Dimostratur Passiv ta’ Veloċità Għolja (High Speed Demonstrator Passive) intemm b'suċċess. L-ewwel dimostratur fuq l-art tal-ġwienaħ laminari (il-panil tal-ġwienaħ ta’ fuq) ġie mmanifatturat b'suċċess.

L-Inġenji tal-Ajru Ambjentali Reġjonali

Tliet oqsma ta’ attività, LWC, lnc u AEA, laħqu miri sinifikanti fl-2010, inkluża d-definizzjoni preliminari tal-mudell 3D tal-ġewnaħ tal-Fluss Laminari Naturali, l-arkitettura tal-kunċett Inġenji tal-Ajru tal-Elettriku Kollha (All Electrical Aircraft), dimostrazzjoni intelliġenti tal-Monitoraġġ tas-Saħħa Strutturali (SHM) fl-iskala tal-panil tal-ġewnaħ, titjib ta’ karatteristiċi ta’ materjali komposti (test pożittiv fil-laboratorju dwar l-impatt tas-silġ). Dawn l-oqsma huma l-kontributuri għal Test tat-Titjira li bħalissa huwa ppjanat bl-użu ta’ ajruplan ATR.

L-Inġenji Ambjentali li jaħdmu bir-Rotors

(punti prinċipali biss …) Il-kunċett tal-liwi attiv (active twist) mill-Friendcopter ġie esplorat u evalwat. Twettaq l-iżvilupp ta’ metodi meħtieġa għall-ottimizzazzjoni tad-disinn tax-xafra, l-integrazzjoni tas-sistema ta’ attwazzjoni, trasmissjoni tad-data sensorja, u t-trasferiment tal-enerġija u algorittmi ta’ kontroll. Saret id-definizzjoni kemm tal-immudellar kif ukoll tal-ittestjar tal-mina tar-riħ. Il-varar tal-attività imsieħba fuq ir-rotor tal-elettriku bid-denb (electrical tail rotor) saret f'Novembru, li huwa pass importanti għal GRC3. Tvara l-istudju tal-magna Diżil u l-ottimizzazzjoni tal-ħelikopter li sejjer jiġi mgħammar biha. Ġiet stabbilita l-integrazzjoni tal-mappa direzzjonali tad-dimostratur għat-titjir tal-ħelikopter, bl-addattament ta’ speċifikazzjonijiet tal-ħelikopter skont magna Diżil ajrunawtika u t-trasformazzjoni ta’ ħelikopter ħafif li jaħdem bit-turbini. Twettqet l-ispeċifikazzjoni għal Mogħdijiet ta’ Titjir li huma Favur l-Ambjent u Proċeduri bla ħafna Ħsejjes, wara reviżjoni tar-rekwiżiti eżistenti applikabbli għat-titjira H/C. Sforz sinifikanti kien iddedikat għall-implimentazzjoni tal-pjattaforma ta’ simulazzjoni msejħa PHOENIX (li tfisser Platform Hosting Operational & Environmental Investigations for Rotorcraft - Investigazzjonijiet li jospitaw pjattaformi operazzjonali u ambjentali għal inġenji tal-ajru kbar li jaħdmu bir-rotors).

Il-Magni Sostenibbli u Ambjentali (fost oħrajn …)

L-analiżi ta’ data tat-test tal-mini tar-riħ tar-rotors miftuħin għamlet progress u l-għodod għall-immudellar tal-ħsejjes ġew riveduti biex jirriflettu t-tagħlim ġdid mit-testijiet rig. Twettaq studju kompromess bejn is-sewqan dirett u rotors miftuħin ingranati.

Annulus filler design concept selection review (Reviżjoni tal-għażla tal-kunċett ta’ tfassil ta’ mili taċ-ċrieki).

Annulus filler material and manufacture process review (Reviżjoni tal-proċess ta’ manifattura u materjal li jimla ċ-ċrieki).

Composite casing material and manufacture process review (Reviżjoni tal-proċess ta’ materjal għall-kisi kompost).

Initial Modules and Engine Modifications Concept Design Review (L-ewwel reviżjoni tat-tfassil tal-kunċett ta’ modifikazzjonijiet ta’ modjuls u tal-magna).

Initial High Pressure Compressor Concept Design Review (L-ewwel reviżjoni tat-tfassil tal-kunċett ta’ kompressur bi pressjoni għolja).

Initial High-Speed Low Pressure Turbine Concept Design Review (L-ewwel reviżjoni tat-tfassil tal-kunċett ta’ turbina bi pressjoni baxxa u b'veloċità għolja).

Saret ir-Reviżjoni tat-Tfassil għall-Istudju Ewlieni u l-Istudju tal-magna sħiħa. Ħafna teknoloġiji għaddew għal reviżjoni u l-għażla saret għad-dimostratur.

Is-Sistemi għal operazzjonijiet Ambjentali

Ir-rekwiżiti kemm għall-ajruplani kbar kif ukoll għal tipi ta’ ajruplani reġjonali ġew analizzati. Żvilupp ulterjuri tal-għodod għall-immudellar għall-valutazzjoni ta’ arkitetturi varji fil-livell tal-ajruplani; aktar speċifikazzjoni tal-arkitettura tal-arkitettura tal-elettriku.

Maturazzjoni ulterjuri tat-teknoloġiji tal-komponenti varji, bħal sistemi ta’ ħarsien kontra s-silġ, ġeneraturi/konvertituri tal-enerġija, sistema elettrika għall-kontroll ambjentali, sistemi ta’ magni elettriċi Nacelle.

Il-Funzjonijiet promettenti għal MTM ġew investigati aktar u dawn li ġejjin ġew miżmuma:

Funzjoni ambjentali ta’ tlugħ (“take-off” u “climb”);

Funzjoni ambjentali ta’ Cruise (tlugħ f'fażijiet kif ukoll tlugħ kontinwu);

Funzjoni ta’ approċċ ambjentali.

L-Eko-Disinn

Użu tal-Pjattaforma tal-Immudellar bil-Kompjuter (MCP): rekwiżiti tas-sistema u l-pjan ta’ validazzjoni maħruġ f'Novembru 2010.

Għażla ta’ għodda ta’ simulazzjoni għal Mudell ta’ Analiżi tan-Netwerk Elettriku (ENAM) (SABER) u d-dokumenti korrispondenti ta’ speċifikazzjoni/dokumentazzjoni nħarġu f'Ottubru 2010.

F'Settembru 2010, beda l-iżvilupp ta’ għodda ta’ konverżjoni tas-softwer SABER: proġett CfP “SMART”.

L-Evalwatur tat-Teknoloġija

L-analiżi tar-riżultati ta’ proġetti esterni relatati (inkluż Sourdine II, OPTIMAL, u ERAT), u Netwerks ta’ Eċċellenza relatati. L-iskop kien li jiġu investigati l-esperjenzi bil-mudelli, data, u proċeduri ta’ valutazzjoni użati, sabiex jiġi vverifikat il-potenzjal għal sinerġiji u kollaborazzjonijiet.

Inbdew ukoll skambji ma’ SESAR, flimkien ma’ SGO, b'xi sessjonijiet ta’ ħidma apposta. Fl-2011, l-implimentazzjoni ta’ kollaborazzjoni aktar dettaljata se tkun possibbli, grazzi għall-MoU ffirmat bejn Clean Sky u SESAR.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta Clean Sky.


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA “CLEAN SKY”

Paragrafu 16

L-impriża konġunta ħadet passi biex ittejjeb l-istruttura u l-preżentazzjoni tal-baġit 2011 biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-qafas legali.

Paragrafu 17

Filwaqt li l-Qorti hija konxja tar-raġuni għad-dewmien fl-implimentazzjoni, il-JU ħadet passi matul l-2010 biex tiżgura li, sa fejn hu possibbli, aktar dewmien u allura implimentazzjoni iktar baxxa tal-baġit ma jkomplux waqt il-programm. Wara li rċeviet id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż għall-2010, il-JU innutat titjib fir-rata tal-attività u fl-implimentazzjoni tal-baġit. Il-JU qiegħda tagħmel ħilitha biex tkompli b'dan it-titjib mal-Membri u mal-Imsieħba tagħha.

Paragrafu 18

L-Impriża Konġunta ħadet nota tal-lezzjonijiet mitgħallma mill-ewwel eżerċizzju u implimentat titjib fil-kontrolli ex ante tagħha fl-2011. Fl-2011 sar kontroll aktar konsistenti u komprensiv inkluż reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż mill-2008 u 2009.

Paragrafu 19

Kif iddikjarat hawn fuq, permezz tar-reviżjoni tal-kontrolli ex ante fuq id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż tal-2008 u 2009, il-każijiet enfasizzati mill-Qorti ġew riveduti u għaddejjin azzjonijiet ta’ segwitu biex tiġi riżolta s-sitwazzjoni mal-benefiċjarji kkonċernati qabel l-aħħar tal-2011.

Paragrafu 20

L-Impriża Konġunta qed taħdem mill-qrib mal-JTIs l-oħra biex timplimenta d-dokumentazzjoni neċessarja. Bdew azzjonijiet fuq il-kwistjonijiet kollha msemmija mill-Qorti u dawn sejrin jiġu ffinalizzati sal-2011.

Paragrafu 21

L-Uffiċjal tal-Kontabilità ħa nota tad-diversi gwidi fuq din il-kwistjoni u matul Awwissu 2011 beda dan l-eżerċizzju fil-JU.

Paragrafu 22

Wara r-rimarki tal-Qorti u abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju ddedikata tas-sistema ta’ Kontroll Intern tal-JU, l-Uffiċjal tal-Kontabilità Intern tal-JU ipprovda parir professjonali u servizzi ta’ konsultazzjoni relatati mal-validazzjoni ex ante tad-dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż fl-2010 u 2011. Hija kkoordinat u mmmaniġġjat ukoll il-proċess ta’ verifika ex post tal-JU fl-2011. Huwa maħsub, li għal raġunijiet ta’ oġġettività, is-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni (IAS) se jagħmel verifika tal-implimentazzjoni finanzjarja tal-Ġestjoni tal-Għotjiet tal-JU fis-sena 2012.

Paragrafu 23

Il-JU qed tieħu azzjoni biex ittemm kompletament il-proċeduri interni biex tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet diġà inklużi fil-ftehimiet ta’ għotja u l-ftehimiet ta’ konsorzju rigward il-protezzjoni, l-użu u t-tixrid tar-riżultati tar-riċerka.

Paragrafu 24

Fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju Kwadru tal-Kummissjoni applikabbli għall-Impriżi Konġunti, il-JU tevalwa l-bżonn għal emenda tar-Regoli Finanzjarji ta’ “Clean Sky” bi ħsieb għall-irwol tal-awditur intern tal-Kummissjoni.

Paragrafu 25

Ġie sottomess abbozz tal-ftehim tal-Istat Ospitu lill-Gvern Belġjan għall-approvazzjoni. Dan ġie kkonfermat b'mod informali iżda hija mistennija l-konferma uffiċjali. Il-firma kemm tal-JUs kif ukoll tal-istat Belġjan sejra ssegwi adozzjoni relatata tad-dokument mill-Bord ta’ Tmexxija.


16.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 368/17


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

2011/C 368/03

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta Ewropea għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (L-Impriża Konġunta IMI), tinsab fi Brussell u twaqqfet f'Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin.

2.

L-objettiv tal-Impriża Konġunta IMI huwa li ttejjeb b'mod sinifikanti l-effikaċja u l-effettività tal-proċess ta’ żvilupp tal-mediċini bil-għan fuq terminu ta’ żmien twil li s-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effikaċji u siguri (2).

3.

Il-Membri Fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni u l-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA). Kwalunkwe entità legali li direttament jew indirettament tappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp fi Stat Membru jew f'pajjiż assoċjat mas-Seba' Programm Qafas (3) jista' japplika biex isir Membru tal-Impriża Konġunta IMI.

4.

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta IMI biex jiġi kopert il-kost operazzjonali u l-attivitajiet tar-riċerka hija ta’ EUR 1 biljun li jrid jitħallas mis-Seba, Programm Qafas tar-Riċerka. L-UE u l-EFPIA, bħala Membri Fundaturi, għandhom jikkontribwixxu b'mod ugwali għall-kost operazzjonali, b'kull wieħed jikkontribwixxi ammont li ma jeċċedix l-4 % tal-kontribuzzjoni totali tal-UE. Membri oħra għandhom jikkontribwixxu l-kost operazzjonali proporzjonalment mal-kontribuzzjoni tagħhom għall-attivitajiet tar-riċerka. Il-kumpaniji tar-riċerka li huma membri tal-EFPIA għandhom jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ attivitajiet ta’ riċerka permezz ta’ kontribuzzjonijiet in natura  (4) minn tal-inqas ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE (5).

5.

L-Impriża Konġunta bdiet tiffunzjona b'mod awtonomu fis-16 ta’ Novembru 2009.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (6) tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (7) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (8) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

7.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (9).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

8.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (10). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (11) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (12) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

9.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

10.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (13). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

11.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontrolli interni rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

12.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t'hawn taħt.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-fluss tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha. L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta IMI għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

15.

Il-kummenti li ġejjin fil-paragrafi 16 sa 24 ma jixtħux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

16.

Il-baġit annwali tal-2010 u l-pjan ta’ implimentazzjoni ma ġewx adottati mill-Bord ta’ Tmexxija sas-16 ta’ Marzu 2010 (14). L-adozzjoni tardiva kienet minħabba li l-Membri tal-Impriża Konġunta damu ħafna biex jistabbilixxu u jiftiehmu fuq prijoritajiet xjentifiċi biex jiġu inklużi fil-pjan annwali ta’ implimentazzjoni. Din waslet għal dewmien fil-varar tas-sejħiet kollha għal proposti. Matul is-sena, l-Impriża Konġunta varat it-tielet sejħa għal proposti (15), finalizzat il-proċess ta’ negozjar għat-tieni sejħa għal proposti (16) u bdiet tirċievi u tħallas klejms ta’ spejjeż mill-benefiċjarji li ħadu sehem fil-proġetti finanzjati taħt l-ewwel sejħa għal proposti (17).

17.

Il-baġit finali kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 107 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 29 miljun. Barra minn hekk, EUR 3 miljuni f'approprjazzjonijiet ta’ impenn u EUR 78,6 miljun f'approprjazzjonijiet ta’ pagament ġew miġjuba 'l quddiem mill-2009. Ir-rati ta’ utilizzazzjoni għal approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament disponibbli kienu ta’ 6 % u 35 % rispettivament, EUR 98,6 miljun f'approprjazzjonijiet ta’ impenn ġew miġjuba 'l quddiem għal 2011 u EUR 64 miljun ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament ġew miġjuba 'l quddiem mill-2009 tħassru fl-aħħar tas-sena. L-implimentazzjoni baxxa tal-baġit tirrifletti wkoll fil-bilanċ tal-kontanti li kien ta’ EUR 71 miljun fl-aħħar tas-sena (65 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti disponibbli fl-2010).

Is-sistemi ta’ kontroll intern

18.

L-Impriża Konġunta ma implimentatx kompletament is-sistemi tagħha ta’ kontrolli interni u ta’ informazzjoni finanzjarja fl-2010. B'mod partikolari, aktar xogħol hu meħtieġ fit-twaqqif u d-dokumentazzjoni tal-proċeduri ta’ kontijiet u l-kontrolli relatati mal-għeluq tal-kontijiet u r-rikonoxximent u l-kejl tal-ispiża operazzjonali. Dawn huma elementi importanti tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta.

19.

Barra minn hekk, fi tmiem l-2010, il-proċessi kummerċjali ta’ bażi kienu għadhom ma ġewx formalizzati u ma kinux validati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità kif mitlub mir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

20.

Ir-reviżjoni limitata tal-kontrolli tal-IT uriet li l-Impriża Konġunta għandha livell adegwat ta’ tmexxija tal-IT u prattika għad-daqs u l-missjoni tagħha, iżda l-formalizzazzjoni ta’ politiki u proċeduri, madankollu, baqgħet lura f'ċerti oqsma (18).

21.

L-istrateġija ta’ verifika ex post  (19) tal-Impriża Konġunta ġiet adottata minn deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija fl-14 ta’ Diċembru 2010 u hija kontroll ewlieni għal valutazzjoni tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Din l-istrateġija taħseb li l-popolazzjoni ta’ verifika (20) se tiżdied progressivament mill-2011 meta proġetti relatati ma’ bosta sejħiet se jkunu mmexxija b'mod parallel u jiġu ppreżentati klejms ta’ spejjeż għal dawn il-proġetti.

Metodoloġija għall-evalwazzjoni ta’ kontrbuzzjonijiet in natura

22.

Il-metodoloġija għall-evalwazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet in natura għadha ma ġietx approvata mill-Bord ta’ Tmexxija (21) minħabba diffikultà biex jintlaħaq ftehim. Bħala konsegwenza, il-membri EFPIA ma setgħux jirrapportaw dwar l-ispejjeż li ntefqu matul l-ewwel perjodu ta’ rappurtaġġ kif stabbilit fil-ftehimiet ta’ għoti.

KWISTJONIJIET OĦRA

Il-funzjoni ta’ verifika interna u s-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni

23.

Fir-rapport preċedenti tagħha, il-Qorti saħqet fuq il-ħtieġa li tiġi ċċarata d-dispożizzjoni fl-Istatuti tal-Impriża Konġunta dwar ir-rwol tal-awditur intern tal-Kummissjoni. Għalkemm ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta għad ma ġewx emendati biex jinkludu d-dispożizzjoni li tirreferi għall-poteri tal-awditur intern tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni u l-Impriża Konġunta ħadu azzjoni biex jiżguraw li r-rwoli operattivi rispettivi tas-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni u l-funzjoni tal-verifika interna tal-Impriża Konġunta huma definiti b'mod ċar.

Nuqqas ta’ ftehim ta’ Stat ospitanti

24.

Kif ġie rrappurtat qabel, skont ir-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Konġunta, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-ospitalità bejn l-Impriża Konġunta u l-Belġju dwar l-akkomodazzjoni għall-uffiċċji, il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jipprovdi l-Belġju lill-Impriża Konġunta. Madankollu, sal-aħħar tal-2010 ebda ftehim bħal kien għadu ma ġie ffirmat.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 t'Ottubru 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 38).

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Uffiċċju. Jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Is-Seba' Programm Kwadru, adottat mid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006, jiġbor flimkien l-inizjattivi kollha relatati mar-riċerka tal-UE taħt saqaf wieħed u għandu rwol kruċjali biex jintlaħqu l-għanijeit ta’ tkabbir, kompetittività u xogħol. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(4)  Skont l-artikolu 11(4) tal-Anness għar-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Konġunta, il-kontribuzzjonijiet in natura huma “kontributi mhux monetarji (minn hawn 'il quddiem imsejħin ‘kontributi in natura’) minn kumpanniji farmaċewtiċi bbażati fuq ir-riċerka li huma membri tal-EFPIA, b'riżorsi bħal persunal, tagħmir, oġġetti ta’ konsum, eċċ.”

(5)  Skont l-artikolu 11(5) tal-Anness għar-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Konġunta, “Il-kumpanniji farmaċewtiċi bbażati fuq ir-riċerka parteċipanti, li huma membri tal-EFPIA m'għandhomx ikunu eliġibbli biex jirċievu ebda appoġġ finanzjarju mill-Impriża Konġunta għall-IMI għal kwalunkwe attività”.

(6)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(7)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-fluss tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(8)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(9)  ĠU L 248, 16.9.2002.

(10)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(11)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(12)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-korpi tal-UE huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma inkorporati fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

(13)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(14)  Ir-regola tal-baġit 1/12 kienet użata biex tagħmel pagamenti sal-adozzjoni tal-baġit.

(15)  It-tielet sejħa għal proposti ġiet varata fit-22 ta’ Ottubru 2010.

(16)  It-tieni sejħa għal proposti ġiet varata fis-27 ta’ Novembru 2009.

(17)  L-ewwel sejħa għal proposti ġiet varata fit-30 ta’ April 2008 u kienet ġestita mill-Kummissjoni.

(18)  (a) ċiklu mhux komplut ta’ ippjanar strateġiku IT u monitoraġġ, (b) nuqqas ta’ politiki u regoli formali ta’ sigurtà, (c) ġestjoni inkompleta ta’ Riskju TI u (d) nuqqas ta’ Pjan Formali tal-Kontinwità tan-Negozju (BCP) u Pjan ta’ Rkupru ta’ Diżastru komplut u ttestjat (DRP).

(19)  L-Artikolu 12(4) tar-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Impriża Konġunta jistqarr li “l-Impriża Konġunta għall-IMI għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki finanzjarji fost il-parteċipanti tal-attivitajiet ta’ Riċerka ffinanzjati mill-Impriża Konġunta għall-IMI”.

(20)  Il-popolazzjoni ta’ verifika hija rrappreżentata minn klejms ta’ spejjeż li waslu minn benefiċjarji tal-proġett ibbażati fuq spejjeż eliġibbli u minn membri tal-EFPIA bbażati fuq kontribuzzjonijiet in natura. Il-valur tal-klejms ta’ spejjeż korrispondenti għall-2010 huwa stmat għal EUR 24,6 miljun.

(21)  L-Artikolu 11(4) tal-Anness għar-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Impriża Konġunta jistipula li “L-metodoloġija għall-evalwazzjoni ta’ kontributi in natura għandha tkun definita fir-regoli u l-proċeduri interni tal-Impriża Konġunta għall-IMI, f'konformità mar-regoli finanzjarji tagħha u bbażata fuq ir-Regoli tal-Parteċipazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru.”


ANNESS

Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(Is-siltiet mill-Artikolu 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Artikolu 187: L-Unjoni tista' toħloq impriżi komuni [konġunti] jew kull struttura oħra neċessarja għall-eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni tal-Unjoni.

L-Artikolu 188: Il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 187.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li

jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 183, 184 u 185. L-adozzjoni tal-programmi supplimentari teħtieġ il-ftehim tal-Istati Membri kkonċernati.

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

L-Objettivi

(l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta)

L-Impriża Konġunta għall-IMI għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru u b'mod partikolari t-Tema “Saħħa” tal-Programm Speċifiku “Kooperazzjoni” li jimplimenta is-Seba' Programm Kwadru. Hija għandha jkollha l-objettiv li ttejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza u l-effettivitità tal-proċess ta’ żvilupp tal-mediċini bil-għan fuq perijodu fit-tul li s-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effettivi u siguri. B'mod partikolari, hi għandha:

(a)

tappoġġa “ir-riċerka u l-iżvilupp farmaċewtiċi prekompetittivi” fl-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba' Programm Kwadru permezz ta’ approċċ ikkoordinat sabiex jingħelbu l-ostakoli fir-riċerka identifikati fil-proċess tal-izvilupp tal-mediċini;

(b)

tappoġġa l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ riċerka kif stabbiliti mill-Aġenda ta’ Riċerka tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar “Mediċini Innovattivi” (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Attivitajiet ta’ Riċerka”), b'mod partikolari permezz ta’ għotjiet wara sejħiet kompetittivi għal proposti;

(c)

tiżgura l-komplimentarjetà ma’ attivitajiet oħrajn tas-Seba' Programm Kwadru;

(d)

tkun sħubija pubblika-privata bil-għan li żżid l-investimenti tar-riċerka fis-settur bijofarmaċewtiku, fl-Istati Membri u fil-pajjiżi assoċjati mas-Seba' Programm Kwadru billi jinġabru r-riżorsi u titrawwem l-kollaborazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati;

(e)

tippromwovi l-involviment tal-SMEs fl-attivitajiet tagħha, b'konformità mal-objettivi tas-Seba' Programm Kwadru.

Il-Kompiti

(L-Artikolu 1 tal-Anness - L-Istatuti tal-Impriża Konġunta għall-Implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi)

Il-kompiti u l-attivitajiet prinċipali tal-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (Impriża Konġunta IMI) għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

li jiġu żgurati l-istabbiliment u l-ġestjoni sostenibbli tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar “Mediċini Innovattivi”;

(b)

li jiġi definit u jitwettaq il-pjan ta’ implimentazzjoni annwali msemmi fl-Artikolu 18 permezz ta’ sejħiet għal proġett;

(c)

li ssir reviżjoni regolari u jsiru l-aġġustamenti meħtieġa għall-Aġenda ta’ Riċerka tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar “Mediċini Innovattivi” fid-dawl ta’ żviluppi xjentifiċi li jseħħu waqt l-implimentazzjoni tagħha;

(d)

li r-riżorsi meħtieġa tas-settur pubbliku u privat jiġu mobilizzati;

(e)

li tiġi stabbilta u żviluppata kooperazzjoni mill-qrib u għall-perijodu fit-tul bejn il-Komunità, l-industrija u l-partijiet interessati l-oħra bħal korpi regolatorji, organizzazzjonijiet tal-pazjenti, l-akkademja u ċ-ċentri kliniċi, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-industrija u l-akkademja;

(f)

li tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni mal-attivitajiet nazzjonali u internazzjonali f'dan il-qasam;

(g)

li jitwettqu attivitajiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni;

(h)

li jkun hemm komunikazzjoni u interazzjoni mal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba' Programm Kwadru permezz ta’ grupp stabbilit speċifikament għal dan il-għan (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “Il-Grupp tar-Rappreżentnti tal-Istati għall-IMI”);

(i)

li tiġi organizzazzata mill-anqas laqgħa annwali (minn hawn “il quddiem imsejħa” l-Forum tal-Partijiet Interessati) mal-gruppi ta’ interess biex jiġu żgurati ftuħ u trasparenza tal-Attivitajiet ta’ Riċerka tal-Impriza Konġunta għall-IMI mal-partijiet interessati tagħha;

(j)

li jiġu avżati l-entitajiet ġuridiċi li jkunu kkonkludew ftehim ta’ għotja (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ Ftehim ta’ Għotja) mal-Impriza Konġunta għall-IMI bl-opportunitajiet ta’ self potenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment, b'mod partikolari l-Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju stabbilita skond [skont]is-Seba' Programm Kwadru;

(k)

li tiġi ppubblikata informazzjoni dwar il-proġetti, inkluż l-isem tal-parteċipanti, u l-ammont tal-kontribut finanzjarju tal-Impriza Konġunta għall-IMI għal kull parteċipant;

(l)

li tiġi żgurata l-effiċjenza tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar “Mediċini Innovattivi”;

(m)

li titwettaq kwalunkwe attività oħra meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Reoglament.

It-tmexxija

(L-Artikolu 4 tal-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008- L-Istatuti tal-Impriża Konġunta għall-Implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi)

1 –   Il-Bord ta’ Tmexxija

2 –   Id-Direttur Eżekuttiv

3 –   Il-Kumitat Xjentifiku

4 –   Żewġ Korpi Konsultattivi

il-Grupp IMI ta’ Rappreżentanti tal-Istati u l-Forum tal-Partijiet Interessati

5 –   Il-Verifika interna

L-Awditur Intern tal-Kummissjoni Ewropea.

(L-Artikolu 10 tal-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 - L-Istatuti tal-Impriża Konġunta għall-Implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi)

Il-ħila ta’ verifika interna fi ħdan l-Impriża Konġunta IMI.

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 73/2008.

6 –   Il-Verifika esterna

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

(L-Artikolu 17(5) tal-Istati annessi mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 u l-Artikolu 126 tar-regoli finanzjarji tal-IMI).

7 –   L-Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill

(L-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 u l-Artikolu 129 tar-regoli finanzjarji tal-IMI).

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2010

Il-Baġit

(L-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 fuq riżorsi ta’ persunal)

Il-baġit finali inkluda approprjazzjonijiet għall-impenji ta’ EUR 107 miljun u approprjazzjonijiet għall-pagamenti ta’ EUR 29 miljun. Barra minn hekk, approprjazzjonijiet għall-impenji ta’ EUR 3 miljuni u ta’ EUR 78,6 miljun f'approprjazzjonijiet għall-pagamenti ġew miġjuba 'l quddiem mill-2009.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010

29 kariga mogħtija fil-pjan ta’ twaqqif, li minnhom 18 kienu okkupati

Persunal ieħor:

Esperti Nazzjonali Ssekondati: 0

Persunal kuntrattwali: 4

Persunal lokali: 0

Persunal totali impjegat: 22

Allokati lil:

Attivitajiet Operazzjonali: 4

Kompiti amministrattivi: 7 (1)

Kompiti mħallta: 11

L-attivitajiet u s-servizzi mogħtija fl-2010

Varata jew imħejji għal sejħiet ġodda għal proposti, valutazzjoni, negozjar, ġestjoni ta’ għoti, kuntatt kontinwu, Appoġġ u gwida lil benefiċjarji u parteċipanti oħrajn, komunikazzjoni u organizzazzjoni ta’ laqgħat u attivitajiet ma’ partijiet interessati ewlenin, kif ukoll konsultazzjonijiet u appoġġ lill-Membri Fundaturi dwar l-istrateġija ta’ riċerka ta’ mediċini innovattivi u attivitajiet assoċjati.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta IMI JU.


(1)  in-numru jirreferi għal assistenti amministrattivi b'kompiti amministrattivi


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA TAL-INIZJATTIVA TA’ INNOVAZZJONI TAL-MEDIĊINI

Implimentazzjoni tal-baġit

Paragrafi 16 u 17

L-IK IMI ħadet diversi inizjattivi biex tiffaċilita u tħaffef l-implimentazzjoni tal-baġit, fosthom ir-reviżjoni tal-Aġenda ta’ Riċerka Xjentifika, it-tnedija tat-tielet u r-raba’ sejħiet għall-offerti, il-konklużjoni tan-negozjati u l-firma tal-ftehim ta’ għotja għal proġetti ġodda bil-fondi mit-tieni offerta, kif ukoll ir-riċevuta u l-ħlas ta’ klejms mill-benefiċjarji li qed jieħdu sehem fi proġetti mill-fondi tal-ewwel offerta. B’kollaborazzjoni mal-Membri Fundaturi, l-Uffiċċju Eżekuttiv qiegħed ukoll jesplora modi ta’ kif jista’ jissimplifika u jagħmel il-proċess ta’ sejħiet għat-tmexxija aktar konformi u fi żminijiet iqsar.

Sistemi Interni ta’ Kontroll

Paragrafi 18 u 21

Is-sistema interna ta’ kontroll tal-IK IMI qiegħda tiġi dejjem aktar ikkonsolidata permezz ta’ reviżjoni sistematika, l-infurzar u l-formalizzazzjoni ta’ proċessi interni, fosthom politiki u proċeduri fl-IT. Verifiki ex post ta’ klejms tal-ewwel spiża li waslu mill-benefiċjarji tal-proġetti ser jiġu mnedija wkoll sal-aħħar tal-2011.

B’mod simili, il-ħolqien ta’ pożizzjoni ġdida ta’ Senior Manager responsabbli għall-amministrazzjoni u l-Finanzi kif ukoll it-twaqqif ta’ kontroll intern u l-funzjonijiet ta’ verifiki interni jżidu aktar il-ġestjoni u s-superviżjoni ġenerali tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ kontroll intern tal-IK IMI.

Il-validazzjoni tal-proċessi ta’ negozju msemmija li jappoġġaw is-sistema ta’ kontabilità tal-Uffiċjal ta’ Kontabilità ġiet konkluża f’Ġunju 2011. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li rriżultaw minn dan l-eżerċizzju ser iwasslu għal kontrolli interni aktar b'saħħithom.

Metodoloġija għall-evalwazzjoni ta’ kontrbuzzjonijiet

Paragrafu 22

Hemm konsultazzjonijiet għaddejja fuq il-metodoloġija li trid tintuża għall-valutazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet “in-kind” minn kumpaniji membri tal-Fondazzjoni Ewropea tal-Assoċjazzjonijiet u l-Industriji Farmaċewtiċi (EFPIA) fi proġetti tal-IK IMI. Rapporti individwali tal-kontribuzzjonijiet “in-kind” ser jiġu sottomessi wara l-approvazzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija tal-mudell tal-ftehim ta’ għotja rivedut.

Il-Funzjoni ta’ Verifika Interna u s-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni

Paragrafu 23

L-irwoli tal-Maniġer tal-Verfika Interna tal-IK IMI (IAC) u s-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni (IAS) ġew iċċarati u formalizzati permezz ta’ approvazzjoni, f’Marzu 2011, fil-Karti ta’ Verfika tal-IAS u l-IAC. Pjan ta’ verifika strateġikament koordinat għall-perjodu 2012-2014 qiegħed jiġi preparat ukoll sabiex jassigura li l-impatt fuq verfiki pjanati jkun ottimizzat u kwalunkwe duplikazzjoni ta’ xogħol ta’ verifika bejn l-IAS u l-IAC ikun minimizzat.

Il-ħtieġa biex jiġi ċċarat aktar l-irwol tal-IAS fir-regolamenti finanzjarji tal-IK IMI ser ikun valutat wara l-finalizzazzjoni tar-reviżjoni attwali tar-Regolament Qafas tal-Kummissjoni Ewropea.

Nuqqas ta’ ftehim ta’ Stat ospitanti

Paragrafu 24

Attwalment għaddejjin proċediment mal-awtoritajiet Belġjani għall-firma tal-Ftehim Ospitanti. Dan huwa mistenni li jiġi ffirmat sal-aħħar tal-2011.


16.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 368/24


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

2011/C 368/04

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER (1) u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni twaqqfet f'Marzu 2007 (2) għal perjodu ta’ 35 sena. Filwaqt li l-faċilitajiet tal-fużjoni prinċipali għandhom jiġu żviluppati f'Cadarache fi Franza, l-Impriża Konġunta tinsab f'Barċellona.

2.

Il-kompiti tal-Impriża Konġunta huma (3):

(a)

li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni (4);

(b)

li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-Attivitajiet ta’ “Approċċ Aktar Wiesa'” (attivitajiet komplementari u konġunti ta’ riċerka dwar il-fużjoni) mal-Ġappun għall-ħolqien rapidu tal-enerġija mill-fużjoni; u

(c)

li tħejji u tikkoordina programm ta’ attivitajiet bi tħejjija għall-bini ta’ reattur tal-fużjoni ta’ dimostrazzjoni u faċilitajiet relatati inkluża l-Faċilità Internazzjonali ta’ Irradjazzjoni ta’ Materjali ta’ Fużjoni.

3.

Il-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Euratom, irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri tal-Euratom u pajjiżi oħra li kkonkludew ftehimiet ta’ koperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kkontrollata u li esprimew ix-xewqa tagħhom li jsiru Membri (fil-31 ta’ Diċembru 2010: l-Isvizzera).

4.

Meta twaqqfet l-Impriża Konġunta, ir-riżorsi totali indikattivi meqjusa meħtieġa għall-perjodu 2007 sal-2041 kienu ta’ EUR 9 653 miljun. Il-kontribuzzjoni totali mill-Euratom ġiet stabbilita bħala EUR 7 649 miljun, li minnha massimu ta’ 15 % huma għan-nefqa amministrattiva. Riżorsi oħrajn jikkonsistu f'kontribuzzjonijiet mill-istat ospitanti tal-ITER (Franza), il-kontribuzzjonijiet tas-sħubija annwali, kontribuzzjonijiet volontarji minn membri oħra għajr il-Euratom u riżorsi addizzjonali li jridu jaslu skont it-termini approvati mill-Bord tat-Tmexxija. Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li r-riżorsi għall-proġett ITER jiżdiedu b'mod sostanzjali (ara l-paragrafi 27 - 29).

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

5.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (5) tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (6) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (7) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

6.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (8).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

7.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta li taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (9). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (10) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (11) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

8.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

9.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (12). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

10.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

11.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t'hawn taħt.

L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

12.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

14.

Il-kummenti li ġejjin ma jixtħux f'dubju l-opinjonijiet tal-Qorti.

IL-KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

L-implimentazzjoni tal-baġit

15.

Il-baġit finali kien jinkludi approprjazzjonijiet tal-impenji ta’ EUR 444,1 miljun u approprjazzjonijiet tal-pagamenti ta’ EUR 241,7 miljun. Ammonti miġjuba 'l quddiem mill-2009 ammontaw għal EUR 106,8 miljun f'approprjazzjonijiet tal-impenji u EUR 52,2 miljun f'approprjazzjonijiet tal-pagamenti (prinċipalment approprjazzjonijiet ġejjin mill-istat ospitanti tal-ITER u assenjati lill-kostruzzjoni tal-ITER). Ir-rata ta’ użu għall-approprjazzjonijiet tal-pagamenti kienet biss 63,4 % (13) bħala riżultat tad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet u dan huwa rifless ukoll fil-bilanċ ta’ likwidità għolja, li ammonta għal EUR 78,8 miljun fi tmiem is-sena (26,8 % tal-approprjazzjonijiet tal-pagamenti disponibbli fl-2010).

L-organizzazzjoni mill-ġdid tal-Impriża Konġunta u tas-sistemi ta’ kontroll intern

16.

Fiż-żewġ Rapporti Annwali Speċifiċi preċedenti tagħha l-Qorti tal-Awdituri rrappurtat li s-sistemi ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta ma kinux ġew stabbiliti u implimentati għal kollox kif meħtieġ mir-Regolament Finanzjarju tagħha (14). Bl-istess mod, fil-31 ta’ Mejju 2010 l-Awditur Intern tal-Impriża Konġunta ħareġ rapport dwar iċ-ċirkuwiti finanzjarji li qajmu tħassib dwar iċ-ċirkuwiti finanzjarji u s-separazzjoni tad-dmirijiet.

17.

Bi tweġiba għal dan, il-Bord tat-Tmexxija adotta pjan ta’ titjib tal-ġestjoni f'Ġunju 2010 u, f'Ottubru, proposta biex tinbidel l-istruttura organizzattiva. L-istruttura organizzattiva l-ġdida (15) bdiet taħdem fl-1 ta’ Jannar 2011.

18.

Minkejja dawn il-bidliet, ir-responsabbiltà għaċ-ċirkuwiti finanzjarji kienet għadha ma ġietx assenjata għal kollox fiż-żmien tal-verifika (April 2011), peress li xi wħud mill-karigi prinċipali kienu għadhom vakanti (16) (eż. Kap tad-Dipartiment ITER, Kap tal-Amministrazzjoni u Kap tal-Unità tal-Baġit u l-Finanzi).

Is-sistemi tal-IT

19.

Filwaqt li s-sistemi finanzjarji u kontabilistiċi (ABAC u SAP) użati mill-Impriża Konġunta huma l-proprjetà tal-Kummissjoni u ġew validati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità, għadhom ma ġewx validati l-proċessi l-oħra importanti tan-negozju li jagħtu informazzjoni finanzjarja. Bħalma ssemma fir-rapport tal-Qorti għall-2009 (17), għad m'hemmx għodda xierqa għall-ġestjoni tal-kuntratti operazzjonali (kuntratti ABAC jew simili), integrata mas-sistemi tal-baġit u tar-rappurtar finanzjarju.

KWISTJONIJIET OĦRA

Għotjiet u akkwist

20.

Il-Qorti ttestjat kampjun ta’ disa' proċeduri tal-akkwist u sitt proċeduri tal-konferiment ta’ għotjiet. Għal tlieta mid-disa' proċeduri tal-akkwist ivverifikati, offerta waħda biss kienet waslet għand l-Impriża Konġunta. Għall-għotjiet, l-għadd medju ta’ proposti li kienu waslu kien biss wieħed għal kull sejħa. Filwaqt li tagħraf il-fatt li l-Impriża Konġunta qiegħda topera f'qasam industrijali speċjalizzat ferm, il-Qorti tirrakkomanda li din għandha tagħmel aktar sforzi biex timmassimizza l-kompetizzjoni u għandha ssegwi l-prinċipju ta’ valur għall-flus fil-fażijiet ta’ tħejjija, pubblikazzjoni u evalwazzjoni tas-sejħiet kif ukoll fl-immaniġġjar tal-kuntratti.

21.

Il-kontrolli applikati mill-Impriża Konġunta qabel ma jsiru l-pagamenti skont il-ftehimiet ta’ għotja għadhom mhumiex dokumentati biżżejjed biex jagħtu assigurazzjoni dwar il-konformità mar-rekwiżiti finanzjarji u l-eliġibbiltà tal-ispejjeż ta’ bażi (18).

22.

Il-Qorti tilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta bdiet tiżviluppa strateġija tal-verifika ex post, li għandha tiġi implimentata fl-2012. L-istrateġija tal-verifika ex post hija kontroll prinċipali bil-għan li jiġu vvalutati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijet ta’ bażi u għandha titpoġġa fis-seħħ mill-aktar fis possibbli. Għandha tkopri wkoll għotjiet u kuntratti tal-akkwist operazzjonali.

Il-pagament tard ta’ kontribuzzjoniiet tas-sħubija

23.

Fl-2008 u fl-2009, il-Qorti osservat li għadd ta’ Membri tal-Impriża Konġunta ma ħallsux il-kontribuzzjonijiet tal-isħubija tagħhom fi ħdan l-iskadenza stabbilita mill-Bord tat-Tmexxija. Għall-2010, l-iskadenza kienet il-31 ta’ Mejju 2010 iżda 14 biss mit-28 Membru ħallsu fil-ħin.

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni

24.

Fl-Opinjoni Nru 4/2008 tagħha l-Qorti ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li r-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta ma jirreferix għas-setgħat tal-awditur intern tal-Kummissjoni biex dan iwettaq verifiki tal-Impriza Konġunta. Għalkemm ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriza Konġunta għadu ma ġiex emendat biex jinkludi s-setgħat tal-awditur intern tal-Kummissjoni (19), il-Kummissjoni u l-Impriża Konġunta ħadu passi biex jiżguraw li jkunu definiti biċ-ċar l-irwoli operazzjonali rispettivi tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni u l-funzjoni ta’ verifika interna tal-Impriza Konġunta.

Il-Kumitat tal-Verifika tal-Impriża Konġunta

25.

Fl-Opinjoni Nru 4/2008 tagħha l-Qorti ġibdet l-attenzjoni wkoll għall-fatt li, minħabba d-daqs tal-baġit u l-kumplessità tal-kompiti li għandhom jitwettqu mill-Impriża Konġunta, għandu jiġi stabbilit Kumitat tal-Verifika li jirrapporta direttament lill-Bord tat-Tmexxija. Il-Qorti tilqa' d-deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija li jistabbilixxi Kumitat tal-Verifika (20).

Il-ftehim tal-Istat Ospitanti

26.

Il-ftehim dwar l-ospitant fuq is-sit u s-sostenn, il-privileġġi u l-immunitajiet, li ġie ffirmat bejn ir-Renju ta’ Spanja u l-Impriża Konġunta fit-28 ta’ Ġunju 2007 jiddikjara li bini permanenti għandu jsir disponibbli għall-Impriża Konġunta sa mhux aktar tard minn tliet snin wara l-iffirmar tal-ftehim. Fiż-żmien tal-verifika, bini permanenti kien għadu ma sarx disponibbli għall-Impriża Konġunta.

L-istatus tal-finanzjament tal-proġett ITER

27.

F'Mejju 2010, il-Kummissjoni ħarġet komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatus tal-proġett ITER (21), li fiha hija stmat li se jinħtieġu madwar EUR 1,4 biljun biex jiġu ssodisfati ż-żidiet fl-ispejjeż fil-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-ITER fl-2012 u fl-2013.

28.

F'Lulju 2010, il-Kummissjoni għamlet proposta biex temenda l-qafas finanzjarju multiannwali ta’ bħalissa u biex tissodisfa l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali għall-2012 u l-2013 (22). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma laħqux ftehim fuq din il-proposta. Waqt il-verifika (April 2011), il-finanzjament tal-kontribuzzjoni mill-UE lill-proġett ITER baqa' ma ġiex riżolt.

29.

Il-Qorti tinnota li dawn l-iżviluppi jistgħu jolqtu b'mod sinifikanti l-attivitajiet u l-baġit tal-Impriża Konġunta u possibbilment idewmu l-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-fażi ta’ bini tal-proġett ITER.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2011

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ITER: Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 li twaqqaf l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u tagħtiha vantaġġi (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58).

(3)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(4)  L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER twaqqfet f'Ottubru 2007 għal perjodu inizjali ta’ 35 sena biex timplimenta l-proġett ITER, li jimmira li juri l-fattibbiltà xjentifika u teknoloġika tal-enerġija mill-fużjoni. Il-Membri huma l-Euratom, il-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni tar-Russja u l-Istati Uniti tal-Amerika.

(5)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(6)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(7)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(8)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(9)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(10)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(11)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-korpi tal-UE huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni.

(12)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(13)  EUR 55,8 miljun ta’ approprjazzjonijiet tal-pagamenti nġiebu 'l quddiem għall-2011, u EUR 51,8 miljun ta’ approprjazzjonijiet tal-pagamenti miġjuba 'l quddiem mill-2009 ġew ikkanċellati fi tmiem is-sena.

(14)  Il-paragrafu 21 tar-rapport għall-2009 għamel referenza għall-organizzazzjoni mill-ġdid tal-istruttura dipartimentali tal-Impriża Konġunta li, f'fehmet il-Qorti, qajmet kwistjonijiet dwar is-separazzjonijiet tad-dmirijiet bejn l-attivitajiet finanzjarji u dawk operazzjonali.

(15)  L-istruttura organizzattiva l-ġdida hija orjentata lejn “il-ġestjoni tal-proġett”.

(16)  Huwa mistenni li dawn il-karigi jimtlew matul l-2011.

(17)  Il-paragrafu 20 tar-rapport tal-Qorti għall-2009.

(18)  L-Awditur Intern tal-Impriża Konġunta nnota wkoll li l-approċċ ta’ kontroll ex ante għall-pagamenti ta’ klejms għall-ispejjeż għadu mhuwiex effettiv u mhux imħejji tajjeb biex jipproċessa klejms għall-ispejjeż għalkemm it-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari.

(19)  Ara l-Opinjoni tal-Qorti Nru 4/2008.

(20)  Għall-bidu l-Kumitat tal-Verifika huwa stabbilit għall-perjodu ta’ sentejn u huwa magħmul minn ħames persuni, li wieħed minnhom huwa nominat mill-Euratom.

(21)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-istatus tal-ITER u triq possibbli 'l quddiem, KUMM(2010) 226 finali tal-4 ta’ Mejju 2010.

(22)  Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali, biex tindirizza ħtiġijiet ta’ finanzjament addizzjonali tal-proġett ITER, KUMM(2010) 403 finali tal-20 ta’ Lulju 2010.


ANNESS

Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Barċellona)

Kompetenzi u attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Komunità stipulati fit-Trattat

(Siltiet mill-Artikoli 45 u 49 tat-it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika)

Il-Kapitolu 5 dwar “Intrapriżi Konġunti”, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u partikolarment:

 

l-Artikolu 45:

“Impriżi ta’ importanza eċċezjonali għall-iżvilupp tal-industrija nukleari fil-Komunità jistgħu jkunu stabbiliti bħala Intrapriżi Konġunti fit-tifsira ta’ dan it-Trattat u skond [skont] id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli li ġejjin.”

 

l-Artikolu 49:

Il-kostituzzjoni ta’ Intrapriżi Konġunti għandha tirriżulta minn deċiżjoni tal-Kunsill. Kull Intrapriża Konġunta jkollha personalità ġuridika.

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom)

L-Objettivi

Tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) lill-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni;

Tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-Attivitajiet ta’ Approċċ aktar Wiesa' mal-Ġappun għall-ħolqien rapidu tal-enerġija mill-fużjoni;

Tipprepara u tikkoordina programm ta’ attivitajiet bi preparazzjoni għall-kostruzzjoni ta’ reattur dimostrattiv li jaħdem bil-fużjoni u l-faċilitajiet relatati inkluża l-Faċilità Internazzjonali ta’ irradjazzjoni tal-materjali permezz tal-fużjoni (IFMIF).

Il-Kompiti

Tissorvelja t-tħejjija tas-sit tal-proġett ITER;

tagħti komponenti, tagħmir, materjali u riżorsi oħrajn lill-Organizzazzjoni ITER;

iġġesti arranġamenti għall-akkwist rigward l-Organizzazzjoni ITER u, b'mod partikolari, proċeduri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità assoċjati;

tħejji u tikkoordina sehem il-Euratom fl-isfruttament xjentifiku u tekniku tal-proġett ITER;

tikkoordina riċerka xjentifika u teknoloġika u attivitajiet tal-iżvilupp bħala sostenn tal-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-Organizzazzjoni ITER;

tagħti l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Euratom lill-Organizzazzjoni ITER;

tagħmel arranġamenti sabiex ir-riżorsi umani jkunu disponibbli għall-Organizzazzjoni ITER;

twettaq interface mal-Organizzazzjoni ITER kif ukoll kull attività oħra skont il-Ftehim tal-ITER.

It-Tmexxija

1 –   Il-Bord tat-Tmexxija

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun responsabbli mis-sorveljanza tal-Impriża Konġunta fit-twettiq tal-objettivi tagħha u jiżgura kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-Impriża Konġunta u l-Membri tagħha fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha.

2 –   Il-Kumitat Eżekuttiv

Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jgħin lill-Bord tat-Tmexxija fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet tiegħu u għandu jwettaq kull kompitu ieħor li l-Bord tat-Tmexxija jista' jiddelegalu.

3 –   Il-Bord ta’ Programmi Xjentifiċi

Il-Bord ta’ Programmi Xjentifiċi għandu jagħti pariri lill-Bord tat-Tmexxija u lid-Direttur, kif meħtieġ, dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan tal-proġett u l-programmi tax-xogħol.

4 –   Id-Direttur

Id-Direttur għandu jkun l-uffiċjal eżekuttiv prinċipali għat-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta u għandu jkun ir-rappreżentant legali tagħha.

5 –   Il-Verifika Esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

6 –   L-Awditur Intern

Stabbilit fil-1 ta’ Lulju 2009.

7 –   L-Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2010

Il-Baġit

EUR 241,70 miljun li minnhom 93 % kienu ffinanzjati mill-kontribuzzjoni tal-Komunità.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010

234 kariga permanenti mogħtija fil-pjan ta’ stabbiliment, li minnhom 185 kienu okkupati;

Persunal ieħor:

Esperti Nazzjonali Ssekondati: 6

Persunal kuntrattwali: 84

Persunal ieħor: Ma tapplikax

Persunal totali impjegat: 275

Allokati lil (bejn wieħed u ieħor):

Attivitajiet operazzjonali 160

Kompiti amministrattivi: 60

Kompiti mħallta: 55

L-attivitajiet u s-servizzi mogħtija fl-2010

Kuntratti operazzjonali: 44 mogħtija għal valur totali ta’ EUR 826 miljun (42 varati)

Kuntratti amministrattivi: 7 mogħtija għal valur totali ta’ EUR 6 miljun (5 varati)

Għotjiet: 23 għal valur totali ta’ EUR 8 miljun (16 varati)

L-Implimentazzjoni tal-Baġit:

99,9 % f'approprjazzjonijiet tal-impenji (99.8 % operazzjonali u 99 % amministrattivi)

63,4 % f'approprjazzjonijiet tal-pagamenti (61.8 % operazzjonali u 77 % amministrattivi)

Arranġament għall-Akkwisti:

4 għall-proġett ITER (384,44 kIUA (1) ekwivalenti għal EUR 615 miljun) (total ta’ 803,7 minn 1 135,9 kIUA jew 66 % tal-kontribuzzjonijiet Ewropej ippjanati kollha, mhux finanzjarji)

5 għall-Attivitajiet ta’ Approċċ Usa' (98,4 kBAUA ekwivalenti għal EUR 66 miljun minn total ta’ 236,4 kBAUA ppjanati għall-kontribuzzjonijiet Ewropej kollha)

Kreditu ITER Mogħti: 10,4 kIUA (ekwivalenti għal EUR 16,6 miljun).

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.


(1)  IUA: Unità tal-kont tal-ITER.


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA EWROPEA GĦALL-ITER U L-IŻVILUPP TAL-ENERĠIJA MILL-FUŻJONI

Kummenti dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

Riorganizzazzjoni tal-Impriża Konġunta u s-sistemi ta’ kontroll interni

Paragrafu 16, 17 u 18

Wara l-bidla fil-maniġment fi Frar 2010, F4E bdiet riorganizzazzjoni kbira fit-tieni nofs tal-istess sena li ffokat fuq l-implimentazzjoni ta’ amministrazzjoni bbażata fuq proġett u t-tisħiħ tal-ambjent ta’ kontroll intern. Bħala parti mir-riorganizzazzjoni, u bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tal-verifika taċ-Ċirkwit Finanzjarju tal-awditur intern, f'Jannar 2011, il-ġestjoni finanzjarja ssaħħet bir-reviżjoni taċ-ċirkwiti finanzjarji u l-ħolqien ta’ taqsima tal-baġit u finanzi. Fl-istess ħin, ġie stabbilit grupp ta’ ħidma taċ-ċirkwit finanzjarju biex jiddokumenta l-proċeduri finanzjarji, jirrevedi kontrolli u listi ta’ kontroll u joħroġ noti ta’ gwida li jtejbu s-sistema tal-ġestjoni finanzjarja f'F4E.

B'mod parallel, inħatar Koordinatur tal-Kontroll Intern biex ikun responsabbli għall-koordinazzjoni globali tal-ambjent ta’ kontroll f'F4E fi ħdan it-Taqsima tal-Baġit u Finanzi.

Ir-riorganizzazzjoni tal-amministrazzjoni ta’ F4E kompliet b'pass kostanti tul l-2011. Kontrolli addizzjonali ġew introdotti b'mod progressiv u ntlew il-funzjonijiet battala fil-maniġment. Iċ-ċirkwiti finanzjarji l-ġodda issa ġew implimentati kompletament, ġie stabbilit rappurtar perjodiku tal-maniġment u s-sistemi ta’ ġestjoni qed isiru kompletament operattivi.

Jekk jitqies il-qasam industrijali speċjalizzat ħafna li fih hi attiva F4E, l-organizzazzjoni tapplika wkoll sistema ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità ibbażata fuq l-ISO li ilha attiva sa mill-2009. Wara l-ħtieġa ta’ riorganizzazzjoni, u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforz, il-QA u l-IC se jingħaqdu f'sistema ta’ Maniġment ta’ F4E usa'.

Sistemi tal-IT

Paragrafu 19

F4E hi kompletament konxja tal-iżbilanċi fl-integrazzjoni tad-dejta finanzjarja u baġitarja mal-attivitajiet operattivi tagħha. Fost l-oħrajn, ir-restrizzjonijiet tekniċi minn sid is-sistema rigward l-aċċess għal dejta finanzjarja wasslu għal dewmien fl-istabbiliment ta’ għodod maniġerjali u ta’ rappurtar. Dan l-aħħar, din il-kwistjoni ġiet solvuta bi SLA addizzjonali mad-DĠ BUDG.

Barra minn hekk, il-kumplessità tal-proġett ITER u sussegwentement, il-ġestjoni tal-impenni legali bażi tiegħu, kemm fuq livell amministrattiv kif ukoll fuq livell operattiv, wasslu għal dewmien fl-istabbiliment ta’ Sistema ta’ Ġestjoni tal-Kuntratti waħda u unika. Fi żmien il-preparazzjoni ta’ dawn it-tweġibiet, is-sistema ta’ ġestjoni tal-kuntratti kienet fil-proċess li tiġi adottata mill-amministrazzjoni u qed jitħejja pjan ta’ azzjoni biex jindirizza x-xogħol b'lura ta’ kodifikazzjoni u biex tiġi normalizzata s-sitwazzjoni.

Kwistjonijiet oħra

Għotjiet u akkwist

Paragrafu 20

F4E tqis li r-rakkomandazzjoni mill-Qorti hi tassew diġà implimentata mill-proċessi u l-istrateġija ta’ pubblikazzjoni fis-seħħ. Ta' min wieħed jinnota li f'oqsma fejn l-industrija hi inqas speċjalizzata, F4E irċeviet sa 33 offerta fi tweġibiet għas-sejħiet għal offerti tagħha, li juri biċ-ċar li l-problema ma tappartjenix intrinsikament għall-metodi ta’ komunikazzjoni u informazzjoni użati minn F4E, iżda pjuttost qiegħda fin-natura speċjalzzata tal-industrija kif enfasizzat mill-Awditur innifsu. Fużjoni mill-Enerġija ma tistax tinfluwenza l-livell ta’ ħila disponbbli fuq is-suq.

Paragrafu 21

Ir-Rapporti ta’ Valutazzjoni Teknika u n-Noti ta’ Aċċettazzjoni huma approvati u jikkonfermaw li l-ispejjeż mitluba huma f'konformità mal-attivitajiet. Barra minn hekk, isiru kontrolli finanzjarji fuq l-ispejjeż iddikjarati. Madankollu, F4E taqbel li hemm lok għal titjib fir-rigward tad-dokumentazzjoni tal-kontrolli li jsiru. Dan qed jiġi indirizzat mill-grupp ta’ ħidma fuq il-kontrolli interni u l-proċeduri qegħdin jissaħħu.

Ħlas tard tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija

Paragrafu 23

L-istatuti ta’ F4E ma jipprovdux mezzi legali oħra biex jiżguraw li l-membri jħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom fil-ħin, apparti milli jintbagħtu noti ta’ tfakkir. Wara d-dewmien rikorrenti fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija, il-kwistjoni tpoġġiet fuq l-aġenda tal-Bord ta’ Tmexxija fl-aħħar ta’ Mejju 2011.

Konsegwentement, ġew approvati miżuri biex jiġi impost imgħax fuq il-Kontribuzzjoni tas-Sħubija Annwali fl-eventwalità ta’ ħlas tard. Barra minn hekk, ġie adottat u implimentat qafas li jiddefinixxi l-modalitajiet għar-rati ta’ imgħax u noti ta’ debitu.

Ftehim tal-Istat Ospitanti

Paragrafu 26

Il-Ftehim tal-Istat Ospitanti iffirmat bejn “Fużjoni mill-Enerġija” u r-Renju ta’ Spanja fl-2007 fil-fatt jipprevedi li Spanja tipprovdi lil F4E b'bini permanenti mhux aktar tard minn 3 snin wara l-iffirmar tal-ftehim. Il-Ftehim jipprevedi wkoll li fil-frattemp, u qabel ikun disponibbli l-bini finali, Spanja tipprovdi bini temporanju. Waqt li Spanja għadha ma pprovdietx bini permanenti, l-Impriża Konġunta tokkupa bini temporanju bla ħlas, billi Spanja se tħallas l-ispejjeż kollha (kiri u manutenzjoni kif previst mill-Ftehim Ospitu, filwaqt li F4E tħallas għall-parti tal-kerrej tal-bini temporanju). F'diskussjonijiet reċenti mal-Istat Ospitu ta’ F4E, ġejna informati li Spanja qed tfittex soluzzjoni permanenti li normalment tkun ippreżentata lil F4E biex taċċettaha qabel l-aħħar tal-2011.

Sadanittant, huwa importanti li jingħad li s-sitwazzjoni attwali m'għandhiex impatt negattiv fuq l-organizzazzjoni.

Stat tal-iffinanzjar tal-proġett ITER

Paragrafu 27, 28 u 29

Bi preparazzjoni għall-Kunsill ta’ ITER ta’ Lulju 2010, F4E evalwat il-fattibilità ta’ Linja Bażi tal-ITER riveduta (il-Linja Bażi) li fiha, id-data tat-tmiem tal-kostruzzjoni ġiet stabbilita għal Novembru 2019, kif ukoll stabbilixxiet ir-riżorsi meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha. Għal dan il-għan, F4E analizzat il-mogħdijiet ta’ manifattura possibbli u vvalutat l-ispiża u l-implikazzjonijiet tar-riskju. Il-Linja Bażi ġiet approvata waqt il-laqgħa tal-Kunsill ta’ ITER; l-UE tat l-appoġġ tagħha “ad referendum”, billi l-awtorità baġitarja kienet għadha trid tapprova u tiżgura l-iffinanzjar ta’ ITER.

F4E wettqet l-Attivitajiet ta’ ITER tagħha matul l-2010 skont il-Linja Bażi. 95 % tal-attivitajiet imbassra fil-Programm ta’ Ħidma 2010 ta’ F4E inbdew kif ippjanat. F'każijiet fejn l-attivitajiet ġew ittardjati, ittieħdet azzjoni biex jittaffa d-dewmien u tinżamm l-iskeda għall-ewwel plażma.

F4E kompliet tagħmel l-Attivitajiet ta’ ITER tagħha matul l-2011 skont il-Linja Bażi, u sar progress tajjeb fuq diversi fronti. Fl-istess waqt kien hemm dewmien dwar xi affarijiet importanti tal-UE u mhux tal-UE. Barra minn hekk, l-impatt tat-terremot fil-lvant tal-Ġappun f'Marzu affettwa b'mod ħażin l-iskeda tal-ITER. Bħala konsegwenza, fil-Kunsill tal-ITER reċenti f'Ġunju, l-IO ntalab b'mod partikolari mill-UE biex jifforma Grupp ta’ Kompitu Speċjali taħt it-tmexxija tad-Direttur Ġenerali tiegħu flimkien mad-DAs kollha, biex jiġu identifikati pjanijiet ta’ mitigazzjoni għal partiti b'mogħdijiet kritiċi bil-ħsieb li dan id-dewmien jiġi limitat għal minimu fi ħdan l-istima tal-limitu tal-ispejjeż globali.

Irrispettivament minn din ir-riottimizzazzjoni tal-iskeda, il-fondi addizzjonali mitluba għall-2012 u 2013 sejrin jintużaw b'mod partikolari biex jappoġġaw l-għoti tal-kuntratti kbar ħafna għall-binjiet ewlenin tal-ITER li għadhom ippjanati li jsiru fl-2012 u 2013.

Il-baġit addizzjonali tal-2012 u 2013 ġie diskuss fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Baġit tal-Kunsill fis-27 ta’ Settembru mal-Istati Membri. Issa, il-presidenza qed timmira li tippreżenta l-abbozz ta’ proposta tagħha għal mandat biex jiġi diskuss mal-Parlament tal-UE waqt it-trilogu baġitarju tad-19 ta’ Ottubru biex jintlaħaq qbil qabel il-laqgħa tal-Kunsill tal-ITER f'nofs Novembru li suppost għandha tapprova l-linja bażi l-ġdida.


16.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 368/32


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

2011/C 368/05

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta SESAR, li tinsab fi Brussell, twaqqfet fi Frar 2007 (1) sabiex iġġesti l-attivitajiet tal-proġett SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru tas-Sema Uniku Ewropew).

2.

Il-proġett SESAR jimmira li jimmodernizza l-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) fl-Ewropa u huwa maqsum fi tliet fażijiet:

(a)

Il-“Fażi ta’ definizzjoni” bdiet fl-2005 u tmexxiet mill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol), b'kofinanzjament mill-baġit tal-Unjoni Ewropea permezz tal-programm tan-Netwerk tat-Trasport Trans Ewropew. Ir-riżultat huwa l-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew, li jiddefinixxi l-pjanijiet għall-kontenut, għall-iżvilupp u għat-twaqqif tal-ġenerazzjoni ta’ sistemi ATM li tmiss.

(b)

Il-“Fażi ta’ żvilupp” (2008-2013) ġestita mill-Impriża Konġunta SESAR (2) u li twassal għall-produzzjoni ta’ sistemi teknoloġiċi, komponenti u proċeduri operazzjonali ġodda kif definiti fil-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew.

(c)

Il-“Fażi ta’ twaqqif” (2014-2020) li għandha titmexxa mill-industrija u mill-partijiet interessati, għall-produzzjoni u l-implimentazzjoni fuq skala kbira tal-infrastruttura tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru l-ġdida.

3.

L-Impriża Konġunta hija mfassla bħala sħubija pubblika-privata. Il-membri fondaturi huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Eurocontrol rrappreżentata mill-Aġenzija tagħha. Wara sejħa għall- espressjonijiet ta’ interess, ħmistax-il intrapriża pubblika u privata mill-industrija tan-navigazzjoni tal-ajru saru membri tal-Impriża Konġunta. Dawn jinkludu fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, l-industrija tal-manifattura tal-art u tal-ajruspazju, manifatturi tal-ajruplani, awtoritajiet tal-ajruport u manifatturi ta’ tagħmir għal operazzjonijiet tal-ajru.

4.

Il-baġit għall-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR huwa ta’ EUR 2,1 biljun, li jrid jingħata f'partijiet ugwali mill-UE, mill-Eurocontrol u mill-imsieħba pubbliċi u privati parteċipanti. Il-kontribuzzjoni tal-UE hija ffinanzjata mis-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u mill-programm tan-Netwerk tat-Trasport Trans Ewropew. Madwar 90 % tal-finanzjament mill-Eurocontrol u mill-partijiet interessati l-oħrajn se jieħdu l-għamla ta’ kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji.

5.

L-Impriża Konġunta SESAR bdiet taħdem b’mod awtonomu fl-10 ta’ Awwissu 2007.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1), it-tieni paragrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (3) tal-Impriża Konġunta Sesar, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (4) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (5) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

7.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1605/2002 (6).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

8.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta (7) li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (8). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll intern rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (9) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

9.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

10.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (10). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

11.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

12.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet stipulati hawn taħt.

L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

15.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

16.

Il-baġit finali għall-2010 adottat mill-Bord Amministrattiv kien jinkludi approprjazzjonijiet tal-impenji ta’ EUR 135 miljun u approprjazzjonijiet tal-pagamenti ta’ EUR 143 miljun. Ir-rati ta’ użu għall-approprjazzjonijiet tal-impenji u tal-pagamenti kienu 97,3 % u 82,2 % rispettivament.

17.

Fl-2010, il-kontribuzzjonijiet mill-membri (EUR 55,6 miljun) flimkien mar-riżultat tas-sena ta’ qabel (EUR 86,5 miljun) ammontaw għal EUR 142,1 miljun, kontra pagamenti ta’ EUR 84,9 miljun u r-riport ta’ approprjazzjonijiet ta’ EUR 3,7 miljun. Dan wassal għal riżultat tal-baġit pożittiv ta’ EUR 53,5 miljun u depożiti fil-kontijiet tal-bank fi tmiem is-sena li jammontaw għal EUR 57,2 miljun. Dan imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-ekwilibriju.

18.

Skont l-Artikolu 6 tar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta SESAR, l-ebda nefqa li tkun ogħla mill-approprjazzjonijiet awtorizzati mill-baġit ma tista’ tiġi impenjata jew awtorizzata. Għal żewġ intestaturi tal-baġit - in-nefqa amministrattiva u l-istudji u l-iżvilupp - in-nefqa awtorizzata qabżet l-approprjazzjonijiet tal-baġit bi 11 % u 9 % rispettivament.

KWISTJONIJIET OĦRA

Is-sistemi ta’ kontroll intern

19.

Fl-2010, l-Impriża Konġunta bdiet tuża s-sistemi ta’ rappurtar finanzjarju li jintużaw ukoll mill-Kummissjoni (ABAC u PSA). Madankollu, is-sistema tal-ġestjoni tal-programm operazzjonali tal-Impriża Konġunta SESAR mhijiex integrata f’dawn is-sistemi ta’ rappurtar finanzjarju. Fi tmiem l-2010, il-proċessi tan-negozju ta’ bażi tagħha kienu għadhom ma ġewx validati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità kif meħtieġ mir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

Pagament tard tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija

20.

Id-data tal-għeluq tal-1 ta’ Lulju 2010 għal pagament lill-Impriża Konġunta mill-membri tagħha tal-kontribuzzjonijiet fi flus għal dik is-sena ma ġietx rispettata. Id-dewmien tal-pagamenti varja bejn 12 sa 113-il jum. Żewġ membri ma kienu ħallsu ebda kontribuzzjoni sal-aħħar tal-2010.

Il-Funzjoni ta’ Verifika Interna u s-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni

21.

Fir-rapport preċedenti tagħha, il-Qorti saħqet fuq il-ħtieġa li tiġi ċċarata d-dispożizzjoni fl-Istatuti tal-Impriża Konġunta dwar ir-rwol tal-awditur intern tal-Kummissjoni. Filwaqt li l-Istatuti ma ġewx emendati, il-Qorti tinnota li l-Kummissjoni u l-Impriża Konġunta ħadu azzjoni biex jiżguraw definizzjoni aktar ċara tar-rwoli operattivi rispettivi tas-Servizz tal-Verifika Interna tal-Kummissjoni (IAS) u tal-funzjoni ta’ verifika interna tal-Impriża Konġunta.

22.

F’konformità mal-opinjonijiet espressi mill-Qorti, id-Direttur Ġenerali tal-IAS ikkonferma r-responsabbiltajiet tal-IAS f’nota lill-Impriżi Konġunti kollha tal-UE skont ir-Regolament Finanzjarju biex jaġixxi bħala l-Awditur Intern tal-Impriżi Konġunti. Il-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta SESAR għaldaqstant immodifika l-karta tal-funzjoni tal-verifika interna tiegħu.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sur Harald NOACK, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-12 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 dwar it-twaqqif ta’ Impriża Konġunta biex tiżviluppa s-sistema l-ġdida ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropew (SESAR) (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1) emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1361/2008 tas-16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU L 352, 31.12.2008, p. 12).

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(4)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(5)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(6)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  Ir-Regolament Finanzjarju tas-SESAR adottat mill-Bord Amministrattiv fit-28 ta’ Lulju 2009.

(8)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.07.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta SESAR.

(10)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).


ANNESS

L-Impriża Konġunta SESAR (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-UE stipulati mit-Trattat

(l-Artikolu 187)

Ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju

Eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni tal-UE.

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1361/2008)

L-Objettivi prinċipali

L-għan tal-Impriża Konġunta SESAR għandu jkun li tiżgura l-modernizzazzjoni tas-sistema Ewropea ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru billi tikkoordina u tikkonċentra l-isforzi ta’ riċerka u żvilupp kollha fl-UE. Hi għandha tkun responsabbli mill-eżekuzzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM u b’mod partikolari mit-twettiq tal-kompiti li ġejjin:

torganizza u tikkoordina l-attivitajiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR, skond [skont] il-Pjan Regolatorju tal-ATM, li jirriżultaw mill-fażi ta’ definizzjoni tal-proġett amministrat mill-Eurocontrol, billi tikkombina u tamministra taħt struttura unika l-finanzjament tas-settur pubbliku u ta’ dak privat;

tiżgura l-finanzjament meħtieġ għall-attivitajiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR skond [skont] il-Pjan Regolatorju tal-ATM;

tiżgura l-involviment tal-partijiet interessati tas-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa, b’mod partikolari: il-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-utenti tal-ispazji tal-ajru, l-assoċjazzjonijiet professjonali tal-persunal, l-ajruporti, u l-industrija tal-manifattura; kif ukoll l-istituzzjonijiet xjentifiċi rilevanti jew il-komunità xjentifika rilevanti;

torganizza l-ħidma teknika ta’ riċerka u żvilupp, ta’ validazzjoni u studju, li għandha titwettaq taħt l-awtorità tagħha waqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni ta’ tali attivitajiet;

tiżgura s-superviżjoni ta’ attivitajiet relatati mal-iżvilupp ta’ prodotti komuni debitament identifikati fil-Pjan Regolatorju tal-ATM u jekk ikun meħtieġ, torganizza sejħiet speċifiċi għall-offerti.

It-Tmexxija

1 –   Il-Bord Amministrattiv

Il-Bord Amministrattiv huwa responsabbli:

(a)

għall-adozzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM approvat mill-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament u għall-approvazzjoni ta’ kwalunkwe proposta għall-modifika tiegħu;

(b)

għall-għoti ta’ linji gwida u t-teħid ta’ deċiżjonijiet meħtieġa, għall-implimentazzjoni tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett Sesar u għall-eżerċizzju ta’ kontroll ġenerali fuq l-implimentazzjoni tiegħu;

(c)

għall-approvazzjoni tal-programm ta’ xogħol u l-programmi ta’ xogħol annwali tal-Impriża Konġunta msemmija fl-Artikolu 16(1) kif ukoll il-baġit annwali, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal;

(d)

għall-awtorizzazzjoni tan-negozjati u d-deċiżjonijiet dwar l-adeżjoni ta’ membri ġodda u dwar il-ftehimiet relatati kif imsemmija fl-Artikolu 1(3);

(e)

għas-sorveljanza tal-eżekuzzjoni tal-ftehimiet bejn il-membri u l-Impriża Konġunta;

(f)

għall-ħatra u t-tneħħija tad-Direttur Eżekuttiv u għall-approvazzjoni tal-organigramma u s-sorveljanza tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

(g)

għad-deċiżjoni dwar l-ammonti u l-proċeduri għall-pagament ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri u l-valutazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji;

(h)

għall-adozzjoni tar-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta;

(i)

għall-approvazzjoni tal-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ;

(j)

għall-adozzjoni tar-rapport annwali dwar il-progress tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu msemmija fl-Artikolu 16(2);

(k)

għad-deċiżjoni dwar proposti lill-Kummissjoni dwar l-estensjoni u x-xoljiment tal-Impriża Konġunta;

(l)

għall-istabbiliment tal-proċeduri għall-għoti ta’ drittijiet ta’ aċċess għal attivi tanġibbli u intanġibbli li huma l-proprjetà tal-Impriża Konġunta u t-trasferiment ta’ tali attivi;

(m)

għall-istabbiliment tar-regoli u l-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju tal-ATM, inklużi l-proċeduri speċifiċi għal kunflitti ta’ interessi;

(n)

għad-deċiżjoni dwar proposti lill-Kummissjoni għall-emenda tal-Istatuti skont l-Artikolu 24;

(o)

għall-eżerċizzju ta’ setgħat oħrajn ta’ din ix-xorta u t-twettiq ta’ funzjonijiet oħrajn ta’ din ix-xorta, inkluż l-istabbiliment ta’ korpi sussidjarji, kif jista’ jeħtieġ għall-iskopijiet tal-fażi ta’ żvilupp tal-proġett SESAR;

(p)

għall-adozzjoni tal-arranġamenti biex jimplimenta l-Artikolu 8.

2 –   Id-Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jwettaq il-kompiti tiegħu b’independenza sħiħa fil-poteri assenjati lilu.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jiddirieġi l-eżekuzzjoni tal-proġett SESAR fil-linji gwida stabbiliti mill-Bord Amministrattiv li għalih huwa għandu jkun responsabbli. Huwa għandu jipprovdi lill-Bord Amministrattiv bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tiegħu.

Id-Direttur Eżekuttiv irid:

(a)

jimpjega, iġesti u jissorvelja l-persunal tal-Impriża Konġunta, inkluż il-persunal li hemm referenza għalih fl-Artikolu 8;

(b)

jorganizza, iġesti u jissorvelja l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta;

(c)

jippreżenta lill-Bord Amministrattiv il-proposti tiegħu dwar il-iskema tal-organizzazzjoni;

(d)

ifassal u jaġġorna regolarment il-programm ta’ xogħol globali u dak annwali tal-Impriża Konġunta, inkluż estimu dwar l-ispejjeż tal-programm, u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv;

(e)

ifassal, skont ir-Regoli Finanzjarji, l-abbozz annwali tal-baġit, inkluż il-pjan ta’ stabbiliment tal-persunal, u jippreżentahom lill-Bord Amministrattiv;

(f)

jiżgura li jitwettqu l-obbligi tal-Impriża Konġunta, fir-rigward tal-kuntratti u l-ftehimiet li hija tikkonkludi;

(g)

jiżgura li l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta jitwettqu b’indipendenza sħiħa u mingħajr kwalunkwe konflitt ta’ interess;

(h)

ifassal ir-rapport annwali dwar il-progress tal-proġett SESAR u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu, u tali rapporti oħrajn li jistgħu jintalbu mill-Bord Amministrattiv, u jippreżentahom lil dan tal-aħħar;

(i)

jippreżenta l-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ lill-Bord Amministrattiv;

(j)

jippreżenta lill-Bord Amministrattiv kwalunkwe proposta li tinvolvi tibdiliet fit-tfassil tal-proġett SESAR.

3 –   Il-Verifika Interna

L-Awditur Intern tal-Kummissjoni Ewropea.

4 –   Il-verifika esterna

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

5 –   L-Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Bord Amministrattiv tal-IKS.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2010 (2009)

Il-Bagit

EUR 134,7 miljun (EUR 325,1 miljun)

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010

Il-baġit operattiv tal-2010 jipprevedi pjan ta’ stabbiliment ta’ 39 Aġent Temporanju u 3 Esperti Nazzjonali Ssekondati (ENS), li jilħaq total ta’ 42 kariga tal-persunal, li minnhom 37 kienu okkupati fl-aħħar tas-sena tal-2010 (18 fl-2009):

23 persunal temporanju, ingaġġati esternament

10 persunal issekondati minn Membri tal-IKS skont l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 219/2007

2 persunal kuntrattwali

2 ENS

Allokati lil

Kompiti operazzjonali: 21

Kompiti amministrattivi u ta’ sostenn: 15

Kompiti mħallta: 1.

Il-prodotti u s-servizzi 2010

Wara l-varatura tal-attivitajiet tal-programm SESAR f’Ġunju 2009:

(a)

fl-aħħar tal-2010, ingħata bidu għal 285 proġett u 232 daħlu fil-fażi tal-eżekuzzjoni; qed issir l-integrazzjoni tal-attivitajiet mogħtija bħala IBAFO II u madwar 1 800 persuna bħalissa huma involuti fil-proġetti differenti tal-Programm SESAR. L-attivitajiet tal-Programm qed jiżviluppaw kif ippjanat u jikkostitwixxu bażi biex ikomplu jagħmlu progress biex jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi strateġiċi tal-2012;

(b)

f’Ġunju 2010, twettqet l-ewwel Sessjoni ta’ Reviżjoni tal-Inġinerija, jiġifieri l-valutazzjoni tal-progress ta’ Pakketti/Proġetti tax-Xogħol differenti lejn il-Miri tal-Impriża Konġunta SESAR. B’mod partikolari, ir-reviżjoni enfasizzat kif id-dipendenzi kritiċi ġew stabbiliti u kkontribwew għall-progress koerenti tal-proġetti lejn il-Miri kif ukoll il-ħtieġa għal xi azzjonijiet korrettivi biex jiġu allinjati l-iskedi, il-kontenut, u l-metodoloġija tal-inġinerija;

(c)

fir-rigward tar-rappurtar tal-Programm, l-Impriża Konġunta introduċiet rappurtar strutturat kull tliet xhur ibbażat fuq il-konsum tal-isforz li għandu jiġi ppreżentat mill-Membri, li jibda fit-III kwart tal-2010. Dan ir-rapport jipprovdi lill-Impriża Konġunta b’sorveljanza addizzjonali tal-allinjament tal-isforzi tal-Membri flimkien mal-objettivi tal-programm, u tar-riskju mġarrab;

(d)

fir-rigward tal-Validazzjoni, l-imsieħba tas-SESAR qablu dwar pjan ta’ Validazzjoni u Verifika, li jenfasizza b’mod partikolari l-importanza li tkun qrib kemm jista’ jkun tal-ambjent operattiv reali fl-attivitajiet kollha ta’ validazzjoni;

(e)

Il-Pakkett ta’ Ħidma E (Riċerka fuq Perjodu ta’ Żmien Twil) u l-Pakkett ta’ Ħidma 11 (Sistemi taċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet ta’ Titjir) ġew varati u l-attivitajiet bdew b’mod sħiħ rispettivament sal-aħħar tas-sena u mill-ewwel tliet xhur tal-2011;

(f)

sabiex tiżgura l-involviment tal-partijiet interessati kollha fil-Programm, l-IKS assigurat il-parteċipazzjoni tagħhom permezz tal-għoti ta’ kuntratti bħala riżultat ta’ proċeduri ta’ akkwist, b’mod dirett jew permezz tal-Eurocontrol:

matul l-ewwel xhur tal-2010 ġie ffirmat kuntratt biex iżid il-kompetenza tal-“utenti tal-ispazji tal-ajru bi prezz baxx”. L-ammont impenjat matul l-2010 huwa ta’ EUR 1,5 miljun;

fir-rigward tal-involviment tal-armata, jiġu żviluppati aktar kuntatti mal-amministrazzjonijiet differenti tad-Difiża Nazzjonali u permezz tal-Eurocontrol DCMAC. Ir-reklutaġġ ta’ Konsulent Militari Anzjan f’Mejju 2010 żied b’mod sostanzjali l-għarfien tas-SESAR fil-komunità militari;

l-involviment tal-Assoċjazzjonijiet tal-Persunal Professjonali ġie assigurat permezz tal-iffirmar mill-Eurocontrol f’isem l-Impriża Konġunta ta’ 5 kuntratti ma’ kull waħda mill-assoċjazzjonijiet. L-ammont impenjat għall-perjodu 2010 sal-2012 huwa EUR 1 miljun bħala kontribuzzjoni fi flus tal-Eurocontrol. L-amministrazzjoni u l-pagamenti jkunu ġestiti mill-Eurocontrol, ladarba r-riżultati tanġibbli jiġu approvati mill-Impriża Konġunta;

(g)

it-tieni fażi tal-proċedura ta’ akkwist tal-AIRE (l-Inizjattiva Atlantika għall-Interoperabbiltà biex Jitnaqqsu l-Emissjonijiet) tvarat u tlestiet, li rriżultat fl-għoti ta’ 18-il kuntratt ma’ konsorzji differenti li huma responsabbli għall-prestazzjoni tal-attivitajiet. L-ammont totali impenjat huwa EUR 2,7 miljun;

(h)

ġie varat studju dwar komunikazzjoni bla fili mill-Impriża Konġunta f’Mejju 2010 u ġew iffirmati 2 kuntratti għal ammont ta’ EUR 0,5 miljun;

(i)

wara l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Koperazzjoni bejn l-UE u l-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni tal-Istati Uniti, l-Impriża Konġunta flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-Eurocontrol se jistabbilixxu l-aktar qafas xieraq biex jimplimentaw dan il-memorandum f’attivitajiet konkreti. F’dan ir-rigward, hija l-intenzjoni tal-Impriża Konġunta li tiżgura li l-Membri tagħha involuti b’mod operazzjonali fil-proġetti huma punti fokali mal-kontrapartijiet tagħhom Amerikani fl-oqsma rilevanti differenti. Barra minn dan, relazzjoni esterna f’koperazzjoni mal-KE u l-Eurocontrol kienu stabbiliti ma’ oqsma strateġiċi differenti madwar id-dinja, b’mod partikolari l-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja u l-Lvant Nofsani;

(j)

il-pjan ta’ komunikazzjoni ġie implimentat f’konformità mal-Baġit approvat mill-Bord Amministrattiv. Fl-attivitajiet li twettqu mit-tim tal-Komunikazzjoni, il-konferenza annwali dwar il-Kontroll Globali tat-Traffiku tal-Ajru ta’ Amsterdam tikkostitwixxi eżempju ta’ riżultati effiċjenti u effettivi fi ħdan riżorsi limitati;

(k)

L-implimentazzjoni tal-ABAC u l-PSA tlestiet f’Mejju 2010, filwaqt li l-Attivi ABAC u l-Kuntratt ABAC huma ppjanati li jiġu implimentati sa tmiem l-2011.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta SESAR.


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA SESAR

17.

L-SJU tqis li b’mod ċar għamlet progress fir-rigward tal-prinċipju baġitarju tal-eqwilibriju. Il-bilanċ tal-kontanti tal-aħħar tas-sena 2010 ta’ 57,2 miljun euro juri tnaqqis ta’ 34 % meta mqabbel mal-2009. Mill-55,6 miljun euro tal-kontribuzzjonijiet mill-membri, 43,8 miljun euro kienu riċevuti fl-aħħar ġimgħat tas-sena, biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-operazzjonijiet fl-2011.

18.

L-SJU tirrikonoxxi l-kumment tal-Qorti iżda l-SJU għandha tul ta’ żmien limitat, u tqis li tista’ ddaħħal l-approprjazzjonijiet ta’ pagament totali darba biss fil-baġit ġenerali għall-2007-2016, sabiex tevita li teċċedi l-limitu tal-baġit totali sal-aħħar tal-fażi ta’ żvilupp ta’ SESAR fl-2016.

19.

L-SJU żviluppat sistema ta’ ġestjoni tal-programm operattiv litikkumplimenta l-informazzjoni finanzjarja u baġitarja u tqis li hi integrat is-sistemi tagħha safejn huwa possibbli, meta jitqiesu r-restrizzjonijiet fuq l-użu tagħha ta’ ABAC u SAP. L-SJU qed tippjana li timplimenta l-Assi ABAC u l-Kuntratt ABAC sal-aħħar tal-2011. Ir-rapport tal-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-SJU dwar il-validazzjoni tas-sistemi lokali ser ikun finalizzat fl-2011.

20.

Il-kontribuzzjonijiet totali dovuti miż-żewġ Membri li ma ħallsux sal-aħħar tal-2010 jammontaw għal 18 000 euro. Id-dewmien seħħ minnħabba komunikazzjoni ħażina fil-konsorzju tal-Membri. Dawn il-kontribuzzjonijiet ġew riċevuti fil-bidu tal-2011.


16.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 368/40


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

2011/C 368/06

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (l-Impriża Konġunta FCH), li tinsab fi Brussell, twaqqfet f’Mejju 2008 (1) għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017.

2.

L-objettivi tal-Impriża Konġunta FCH jinkludu l-appoġġ għall-attivitajiet tar-Riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u d-dimostrazzjoni fl-Istati Membri u pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru (2) b’mod koordinat flimkien ma’ organizzazzjonijiet tal-industrija u tar-riċerka sabiex tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tas-suq u b’hekk tiffaċilita sforzi industrijali addizzjonali lejn utilizzazzjoni mgħaġġla tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu (3).

3.

Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Grupp Industrijali Ewropew għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (EFPIA) (Grupp Industrijali).

4.

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta FCH biex tkopri l-ispejjeż operattivi u l-attivitajiet tar-riċerka hija ta’ EUR 470 miljun iffinanzjati mill-baġit tas-Seba’ Programm Kwadru, li minnhom il-proporzjon assenjat għal spejjeż operattivi m’għandux jaqbeż l-EUR 20 miljun. Il-Grupp Industrijali għandu jikkontribwixxi 50 % tal-ispejjeż operattivi (sa mhux aktar minn EUR 10 miljun) u għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ attivitajiet tar-riċerka permezz ta’ kontribuzzjonijiet in natura  (4) li jkunu ekwivalenti mill-inqas għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE.

5.

L-Impriża Konġunta ngħatat l-awtonomija finanzjarja tagħha fil-15 ta’ Novembru 2010.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (5) tal-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (6) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (7) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

7.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (8).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

8.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta, taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (9). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (10) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll intern rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (11) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

9.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

10.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u tal-ISSAI (12). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u professjonali, u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

11.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

12.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-regolament finanzjarju tagħha.

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal- Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

15.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux f’dubju l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Awtonomija finanzjarja mdewma

16.

Il-Qorti hija tal-fehma li l-perjodu ta’ 28 xahar mid-data meta r-Regolament tal-Kunsill daħal fis-seħħa sad-data tal-awtonomija finanzjarja attwali fil-15 ta’ Novembru 2010 huwa eċċessiv. B’riżultat tal-awtonomija finanzjarja mdewma, il-pagamenti operazzjonali kollha tal-2010 lill-benefiċjarji saru matul l-aħħar sitt ġimgħat tal-2010.

Sistemi ta’ Kontroll Intern

17.

Fi tmiem l-2010, il-proċessi kummerċjali ta’ negozju kien għadhom ma ġewx formalizzati u ma kinux ġew ivvalidati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità kif mitlub mir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

18.

Ir-reviżjoni limitata tal-kontrolli tal-IT uriet li l-Impriża Konġunta għandha livell adegwat ta’ tmexxija u prattika tal-IT għad-daqs u l-missjoni tagħha, iżda l-formalizzazzjoni ta’ politiki u proċeduri, madankollu, għadha lura f’ċerti oqsma (13).

Il-metodoloġija għall-evalwazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet in natura

19.

Il-metodoloġija għall-evalwazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet in natura għadha ma ġietx żviluppata (14). L-Impriża Konġunta FCH hija impenjata li tiżviluppa din il-metodoloġija matul l-2011 biex tkun f’pożizzjoni li tivvalida klejms għall-ispejjeż.

KWISTJONIJIET OĦRA

L-uffiċċju tal-awditjar intern u s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni

20.

Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu emendati r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta biex tkun inkluża dispożizzjoni li tirreferi għas-setgħat tal-awditur intern tal-Kummissjoni fir-Regolament Finanzjarju strutturali applikabbli għall-Impriżi Konġunti (15). Il-Kummissjoni u l-Impriża Konġunta ħadu passi biex jiżguraw li jkunu definiti biċ-ċar l-irwoli operazzjonali rispettivi tas-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni u tal-uffiċċju tal-awditjar intern tal-Impriża Konġunta.

Nuqqas ta’ ftehim ta’ Stat ospitanti

21.

Skont ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-ospitalità bejn l-Impriża Konġunta u l-Belġju dwar l-akkomodazzjoni għall-uffiċċji, il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jipprovdi l-Belġju. Iżda, sal-aħħar tal-2010 ebda ftehim bħal dan kien għadu ma sar.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008 tat-30 ta’ Mejju 2008 li tistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu (ĠU L 153, 12.6.2008, p. 1).

(2)  Is-Seba’ Programm Kwadru, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1), jiġbor flimkien l-inizjattivi tal-UE relatati mar-riċerka, taħt saqaf wieħed, u jaqdi rwol kruċjali fl-ilħuq tal-għanijiet ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(3)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Jiġi ppreżentat għal-skopijiet ta’ informazzjoni.

(4)  Skont l-Artikolu 12(3) tal-Anness għar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta li jistipula li “l-ispejjeż operattivi tal-Impriża Konġunta FCH għandhom ikunu koperti permezz tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, u permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-entitajiet legali l-oħra li jkunu qed jipparteċipaw fl-attivitajiet.”

(5)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(6)  Ir-“rendikonti finanzjarji” jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fl-attivi netti u n-noti għar-rendikonti finanzjarji li jinkludu deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(7)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(8)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(9)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(10)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(11)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-korpi tal-UE huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta FCH.

(12)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(13)  (a) ċiklu inkomplet ta’ ppjanar strateġiku tal-IT (b) nuqqas ta’ klassifikazzjoni xierqa ta’ data skont rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u integrità u (c) nuqqas ta’ pjan tal-kontinwità tan-negozju (BCP) formali u ta’ Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru sħiħ u ttestjat (DRP).

(14)  L-Artikolu 12 (7) tal-Anness għar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta li jistipula li “il-metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet in natura għandha tiġi ddefinita mill-Impriża Konġunta FCH f’konformità mar-regoli finanzjarji u bbażata fuq ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru.”

(15)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.


ANNESS

Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu

Kompetenzi u attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

Siltiet mill-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru - tipprevedi kontribut tal-Unjoni għat-twaqqif ta’ sħubiji pubbliċi-privati fit-tul f’forma ta’ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti li jistgħu jkunu implimentati permezz ta’ Impriżi Konġunti skont it-tifsira tal-Artikolu 187 TFUE

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 521/2008)

L-Objettivi

L-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru u b’mod partikolari t-temi tal-Programm Speċifiku “Koperazzjoni” għal “Enerġija”, “Nanoxjenzi, Nanoteknoloġiji, Materjali u Teknoloġiji Ġodda tal-Produzzjoni”, “Ambjent (inkluża l-Bidla fil-Klima)”, u “Trasport (inkluża l-Aeronawtika)”.

B’mod partikolari, hi għandha:

timmira li tpoġġi l-Ewropa fuq quddiem nett tat-teknoloġiji dinjija dwar iċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu u tippermetti lit-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu jippenetraw fis-suq, b’hekk tippermetti lill-forzi tas-suq kummerċjali jmexxu’l quddiem il-benefiċċji pubbliċi potenzjali sostanzjali;

tappoġġa r-Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u d-Dimostrazzjoni (minn hawn’il quddiem imsejħa “RTD”) fl-Istati Membri u pajjiżi assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru (minn hawn’il quddiem imsejħa “Pajjiżi Assoċjati”) b’mod koordinat biex tegħleb il-falliment fis-suq u tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ applikazzjonijiet tas-suq u b’hekk tiffaċilita sforzi industrijali addizzjonali lejn utilizzazzjoni mgħaġġla tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu;

tappoġġa l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet RTD tal-JTI dwar iċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu, notevolment bil-ħruġ ta’ għotjiet wara sejħiet kompetittivi għall-proposti;

timmira li tħeġġeġ iktar investiment pubbliku u privat fir-riċerka tat-teknoloġiji taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu fl-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati.

Il-Kompiti

tiżgura l-istabbiliment u t-tmexxija effiċjenti ta’ l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar iċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu;

tintlaħaq il-massa kritika tal-isforz tar-riċerka biex titnissel il-fiduċja fl-industrija, fl-investituri pubbliċi u privati, f’dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-partijiet interessati oħra sabiex jidħlu għal programm fit-tul;

tirrendi l-investiment industrijali, nazzjonali u reġjonali fl-RTD aktar effettiv;

jiġu integrati r-RTD, u jiffukaw fuq il-ksib ta’ sostenibbiltà fit-tul u miri kompetittivi industrijali dwar l-ispejjeż, ir-rendiment u d-durabbiltà u jingħelbu l-ostakli teknoloġiċi kritiċi;

tistimola l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ katini ġodda ta’ valur inklużi l-SMEs;

tiffaċilita l-interazzjoni bejn l-industrija, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka inkluża dik dwar riċerka bażika;

tippromwovi l-involviment ta’ SMEs fl-attivitajiet tagħha skont l-objettivi tas-Seba’ Programm Kwadru;

tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ istituzzjonijiet minn kull Stat Membru u pajjiż Assoċjat;

twettaq riċerka soċjo-tekniko-ekonomiku fil-wiesgħa biex tivvaluta u timmonitorja l-progress teknoloġiku u l-ostakli mhux tekniċi għad-dħul fis-suq;

twettaq riċerka li ssostni l-iżvilupp ta’ regolamenti u standards ġodda u tirrevedi regolamenti u standards eżistenti sabiex telimina l-ostakoli artifiċjali għad-dħul fis-suq u tappoġġa l-interkambjabbiltà, l-interoperabbiltà, il-kummerċ tal-idroġeni bejn il-fruntieri, u s-swieq tal-esportazzjoni waqt li tiżgura s-sigurtà tal-operat u mhux ixxekkel l-innovazzjoni;

twettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni, u biex tipprovdi informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha sabiex ittejjeb l-għarfien pubbliku u toħloq aċċettazzjoni pubblika dwar is-sigurtà tal-idroġenu, u l-benefiċċji mit-teknoloġiji l-ġodda għall-ambjent, għas-sigurtà tal-provvista, għall-ispejjeż tal-enerġija, u għall-impjiegi;

tistabbilixxi u timplimenta Pjan ta’ Implimentazzjoni Pluriennali;

timpenja l-finanzjament Komunitarju u timmobilizza r-riżorsi tas-settur privat u oħrajn tas-settur pubbliku meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha ta’ RTD;

tiżgura l-operat tajjeb tal-attivitajiet tal-RTD u ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi;

tikkomunika u xxerred l-informazzjoni dwar il-proġetti, inklużi l-ismijiet tal-parteċipanti, ir-riżultati tal-attivitajiet tal-RTD, u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Impriża Konġunta FCH;

tinnotifika lill-entitajiet ġuridiċi li jkunu kkonkludew Ftehim ta’ Għotja mal-Impriża Konġunta FCH bl-opportunitajiet ta’ self potenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment, b’mod partikolari l-Faċilità Finanzjarja tal-Qsim tar-Riskju stabbilita taħt is-Seba’ Programm Kwadru;

tiżgura livell għoli ta’ trasparenza u kompetizzjoni ġusta taħt kundizzjonijiet ta’ aċċess ugwali għall-applikanti kollha għall-attivitajiet RTD tal-Impriża Konġunta FCH, kemm jekk ikunu membri tal-Grupp tar-Riċerka jew tal-Grupp Industrijali (b’mod partikolari SMEs) u kemm jekk le;

[i]ssegwi l-iżviluppi internazzjonali fil-qasam u li tidħol f’koperazzjoni internazzjonali meta jkun xieraq;

tiżviluppa koperazzjoni mill-qrib u tiżgura koordinazzjoni mal-Programm Kwadru ta’ Riċerka u attivitajiet oħra Ewropej, nazzjoni [nazzjonali] u transnazzjonali, korpi u partijiet interessati;

[i]ssegwi l-progress lejn l-objettivi tal-Impriża Konġunta FCH;

twettaq kull attività oħra meħtieġa biex tilħaq l-objettivi tagħha.

It-Tmexxija

Il-korpi tal-Impriża Konġunta FCH għandhom ikunu:

(a)

il-Bord ta’ Tmexxija;

(b)

id-Direttur Eżekuttiv;

(c)

il-Kumitat Xjentifiku.

1 –   Il-Bord ta’ Tmexxija

Il-Bord ta’ Tmexxija huwa l-korp li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Impriża Konġunta FCH.

2 –   Id-Direttur

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli responsabbli għat-tmexxija ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta u huwa r-rappreżentant legali tagħha. Għandu jwieġeb lill-Bord ta’ Tmexxija.

3 –   Il-Kumitati

Il-Kumitat Xjentifiku - Magħmul minn mhux iktar minn disa’ membri li jirreflettu rappreżentazzjoni bilanċjata ta’ esperti tal-aqwa livell dinji mill-kamp tal-akkademja, mill-industrija u mill-korpi regolatorji.

Il-kompiti tiegħu huma li:

(a)

jagħti l-parir tiegħu dwar il-prijoritajiet xjentifiċi għall-proposta ta’ Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Annwali u Pluriennali;

(b)

jagħti parir dwar il-kisbiet xjentifiċi deskritti fir-rapport tal-attività annwali;

(c)

jagħti l-parir tiegħu dwar il-kompożizzjoni tal-kumitati ta’ reviżjoni tal-esperti ugwali fil-qasam.

Il-korpi konsultattivi esterni għall-Impriża Konġunta FCH huma:

Il-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati FCH u l-Assemblea Ġenerali tal-Partijiet Interessati.

4 –   Il-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati FCH

Huwa magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u kull pajjiż Assoċjat.

Il-kompiti l-aktar importanti tiegħu jinkludu l-għoti ta’ opinjonijiet dwar il-progress fil-programmi tal-Impriża Konġunta FCH, il-monitoraġġ tal-konformità u r-rispett tal-miri u l-koordinazzjoni ma’ programmi nazzjonali biex jiġi evitat it-trikkib.

5 –   L-Assemblea Ġenerali tal-Partijiet Interessati

L-SGA hija mezz ta’ komunikazzjoni importanti dwar attivitajiet tal-Impriża Konġunta FCH u fis-sens proprju tal-kelma hija miftuħa għall-partijiet interessati pubbliċi u privati kollha, gruppi ta’ interess internazzjonali mill-Istati Membri, mill-pajjiżi assoċjati kif ukoll mill-pajjiżi terzi. Tiltaqa’ darba fis-sena. L-SGA għandha tkun infurmata dwar l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta FCH u għandha tkun mistiedna tagħti l-kummenti.

L-awdituri interni u esterni u l- awtorità ta’ kwittanza tal-Impriża Konġunta FCH huma:

6 –   Il-Verifika Interna

Il-Maniġer tal-Verifika Interna tal-Impriża Konġunta FCH (jiġifieri l-kapaċità ta’ verifika interna – l-IAC);

is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (jiġifieri l-IAS).

7 –   Il-Verifika Esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

8 –   L-Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2010

Il-Baġit

EUR 97,4 miljun f’Approprjazzjonijiet għall-Impenji li minnhom EUR 94,2 miljun iffinanzjati mill-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-operazzjonijiet (hemm ippjanata kontribuzzjoni ekwivalenti in natura minn membri tal-industrija) u EUR 3,2 miljun għall-ispejjeż operattivi

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010

18-il kariga ta’ persunal temporanju elenkata fil-pjan ta’ stabbiliment li minnhom 14 ġew okkupati sal-31.12.2010

Persunal ieħor:

L-Esperti Nazzjonali Ssekondati: n.r.

Il-persunal kuntrattwali: 2

Il-persunal lokali: n.r.

Allokati lil:

Attivitajiet operazzjonali: 6

Kompiti amministrattivi: 6

Kompiti mħallta: 6

L-attivitajiet u s-servizzi mogħtija fl-2010

Il-kisbiet operazzjonali

Ir-reviżjoni tal-Pjan Pluriennali ta’ Implimentazzjoni (MAIP), varat f’Novembru 2010 li ffoka fuq l-aġġornament tal-miri u l-prijoritajiet tal-programm;

L-abbozzar tal-prijoritajiet RTD u s-suġġetti ta’ sejħiet (call topics) 2010 (25) b’finanzjament indikattiv tal-Impriża FCH ta’ EUR 89.1 miljun;

Il-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-proposti 2010 f’Ġunju bi skadenza għas-sottomissjoni f’Ottubru 2010;

L-evalwazzjoni tas-sejħa għall-proposti 2010 f’Novembru 2010 bi preparazzjoni ta’ lista ta’ proġetti li għandhom jinbdew negozjati għalihom li għandha titressaq lill-Bord għall-approvazzjoni fl-ewwel kwart tal-2011;

L-innegozjar tas-sejħa tal-2009 għall-proposti magħżulin wara l-approvazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni mill-Bord ta’ Tmexxija u l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ għotjiet relatati (28);

L-iżvilupp tal-koperazzjoni internazzjonali mas-sħab ewlenin (l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġappun u l-Korea);

L-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati (sessjonijiet ta’ informazzjoni);

Il-koperazzjoni mar-Reġjunijiet Ewropej (permezz ta’ HyRaMP);

Il-koperazzjoni maċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC) fil-livell ta’ proġett u programm. L-allinjament tal-attivitajiet permezz ta’ Pjan ta’ Ħidma Konġunta ffokat fuq il-kejl, l-immappjar teknoloġiku u l-parir strateġiku; l-Assemblea Ġenerali tal-Partijiet Interessati li saret fid-9-10 ta’ Novembru b’444 parteċipant irreġistrat u attivitajiet oħrajn ta’ komunikazzjoni, li ffokat fuq il-kummerċjalizzazzjoni ta’ teknoloġiji FCH b’mod partikolari fis-settur tat-trasport.

Kisbiet prinċipali oħrajn

It-tlestija tas-sistema ta’ kontroll intern; l-adozzjoni tal-istandards ta’ kontroll intern; l-iżvilupp ta’ proċess dwar il-ġestjoni tar-riskju; l-adozzjoni tal-istrateġija ta’ verifika ex post;

L-awtonomija lill-Impriża Konġunta FCH ingħatat fil-15 ta’ Novembru 2010;

In-negozjati għal bini ġdid li jakkomoda l-FCH flimkien ma’ erba’ Impriżi Konġunti oħrajn u l-istabbiliment ta’ struttura tal-IT ġdida lesta biex tinġarr (fis-seħħ minn nofs Jannar 2011).

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA (IK) FCH GĦALL-OSSERVAZZJONIJIET IMQAJMA MILL-QORTI

Paragrafu 16

L-IK FCH għandha l-istess fehma tal-Qorti li l-perjodu mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill fit-twaqqif tal-JU sad-data tal-awtonomija finanzjarja attwali kien twil. Madanakollu, l-IK FCH tixtieq tirrimarka li ttieħdu l-passi meħtieġa kollha min naħa tal-IK rigward l-awtonomija (e.g. rapport ta’ valutazzjoni għat-tlestija li juri l-konformità mal-kriterji ġie sottomess lill-Kummissjoni fiż-żmien stipulat) u għaldaqstant id-dewmien fl-għoti tal-awtonomija kien ir-riżultat ta’ avvenimenti mhux fil-kontroll tal-IK;

Il-ħlasijiet operattivi għall-2010 saru matul l-aħħar ġimgħat tal-2010 mhux minħabba awtonomija finanzjarja tardiva iżda minħabba l-kondizzjonijiet finanzjarji operattivi biex jipproċedu bil-pagament saru f’dak iż-żmien. Tabilħaqq, kieku l-kondizzjonijiet ġew sodisfatti qabel, il-Kummissjoni kienet tipproċedi bil-pagamaneti, anki qabel l-awtonomija finanzjarja tal-JU, kif kien il-każ fis-sejħa preċedenti skont artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill.

Paragrafu 17

L-IK FCH hija impenjata sabiex tivvalida s-sistema ta’ kontabilità matul l-2011 minħabba li dan ma kienx realistiku u fattibbli bir-riżorsi disponibbli fl-2010. Aħna ser insegwu l-linji gwida għal validazzjoni tas-sistema maħruġa mill-Kummissjoni, fosthom il-kampjuni tat-tranżazzjonijiet fl-oqsma kollha relevanti.

Paragrafu 18

L-IK FCH hija impenjata sabiex tifformalizza l-istrateġija tal-IT, ir-regoli ta’ sigurtà għall-aċċess tad-dokumenti kif ukoll il-pjan ta’ negozju kontinwu, fosthom il-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastru, sal-aħħar tal-2011.

Paragrafu 19

L-IK FCH abbozzat metodoloġija fit-K2 tal-2011 li ser tiġi sottomessa lil GB għall-adozzjoni fil-laqgħa li jmiss f’Novembru 2011.

Paragrafu 20

Kif mistqarr mill-Qorti, il-Kummissjoni u l-Impriża Konġunta ħadu azzjoni sabiex jassiguraw li l-irwoli rispettivi tas-Servizz tal-Verfika Interna tal-Kummissjoni (IAS) u l-Maniġer tal-Verifika Interna tal-Impriża Konġunta (IAM) jkunu definiti b’mod ċar. B’mod partikolari, l-Bord ta’ Tmexxija kkonferma li l-poteri tal-IAS skont ir-Regolament Finanzjarju ta’ Qafas fil-laqgħa tal-10 ta’ Novembru 2010, l-IAS u l-Karta tal-Verifika tal-IAM (IAM Audit Charters) ġew approvati mill-Bord ta’ Tmexxija u d-Direttur Eżekuttiv fl-10 ta’ Marzu 2011 u t-18 ta’ Marzu 2011, rispettivament u “Pjan Koordinat ta’ strateġija IAS-IAM għall-perjodu 2011-2013” ġie adottat mill-Bord ta’ Tmexxija fid-19 ta’ Mejju 2011 u qed jiġi implimentat kif pjanat.

Meta wieħed jikkonsidra l-azzjonijiet indikati hawn fuq li jiċċaraw l-irwoli tal-IAS u l-IAM, l-IK FCH hija tal-fehma li mhemmx għalfejn jiġu emendati r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta. Madanakollu, wara l-finalizzazzjoni tar-reviżjoni kontinwa tar-Regolament Finanzjarju ta’ Qafas, l-Impriża Konġunta ser tivvaluta l-ħtieġa u l-adegwatezza sabiex temenda r-regoli finanzjarji fuq l-aspetti relevanti kollha, fosthom il-funzjoni ta’ verfiika.

Paragrafu 21

L-IK għal darba oħra reġgħu kkuntattjaw lill-awtoritajiet Belġjani fil-bidu ta’ Ġunju 2011 sabiex jiffinalizzaw test adegwat ibbażat fuq il-proposta Belġjana u l-kummenti mill-Kummissjoni. Madanakollu, l-IK FCH tixtieq tissottolinja li r-riskju minħabba l-ittardjar tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim huwa (estremament) limitat bħala (1) il-Protokoll fuq il-privileġġi u l-Immunitajiet huwa direttament applikabbli għall-IKi u l-persunal tagħhom bir-regolament li jistabbilixxi l-IKi u (2) l-awtoritajiet Belġjani japplikawh fil-prattika mingħajr diffikultajiet.


16.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 368/48


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ENIAC għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

2011/C 368/07

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta Ewropea għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Konġunta tat-Teknoloġija dwar in-Nanoelettronika (L-Impriża Konġunta ENIAC), tinsab fi Brussell u twaqqfet f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin.

2.

L-objettiv prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li tiddefinixxi u timplimenta “aġenda għar-riċerka” għall-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin għan-nanoelettronika fiż-żoni kollha differenti ta’ applikazzjoni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u s-sostenibbiltà, u tippermetti l-ħolqien ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà (2).

3.

Il-Membri Fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Belġju, l-Estonja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit u l-Assoċjazzjoni għall-Attivitajiet Nanoelettroniċi Ewropej (AENEAS). Stati Membri oħrajn u Pajjiżi Assoċjati, kif ukoll kwalunkwe pajjiż ieħor jew kwalunkwe entità ġuridika oħra li kapaċi tagħti kontribut finanzjarju sostanzjali għall-kisba tal-objettivi tal-Impriża Konġunta ENIAC.

4.

Il-kontribut massimu tal-UE lill-Impriża Konġunta ENIAC li jkopri l-ispejjeż operattivi u l-attivitajiet ta’ riċerka huwa ta’ EUR 450 miljun li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka (3). L-AENEAS għandha tagħmel kontribut massimu ta’ EUR 30 miljun għall-kosti operazzjonali tal-Impriża Konġunta. L-Istati Membri tal-ENIAC għandhom jagħmlu kontributi in natura għall-ispejjeż operattivi (permezz tal-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti), u jagħmlu kontributi finanzjarji ta’ mill-inqas 1,8 darbiet aktar mill-kontribut finanzjarju tal-UE. Kontributi in natura għandhom jingħataw ukoll mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka li qegħdin jieħdu sehem fi proġetti. L-organizzazzjonijiet li qed jipparteċipaw fil-proġetti ta’ riċerka jridu jagħmlu kontributi in natura għall-inqas ugwali għall-kontribut tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri.

5.

L-Impriża Konġunta ngħatat l-awtonomija finanzjarja tagħha fis-26 ta’ Lulju 2010.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Impriża Konġunta ENIAC, li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

7.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

8.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (8). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (9) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (10) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

9.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ attivigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

10.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u l-ISSAI (11). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb attivigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

11.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontrolli interni rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

12.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

Bażi għal opinjoni kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

13.

Il-Kont tar-Riżultat tal-Baġit u r-rikonċiljazzjoni tiegħu mal-Kont tar-Riżultat Ekonomiku, mitluba mir-Regola 16 tal-Kontabilità tal-KE “il-Preżentazzjoni tal-informazzjoni tal-baġit fil-kontijiet annwali”, ma ġewx inklużi fil-kontijiet.

Opinjoni kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, għajr għall-effetti tal-kwistjoni deskritta fil-bażi għall-paragrafu tal-opinjoni kwalifikata, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha.

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

15.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

16.

Il-kummenti li ġejjin fil-paragrafi 17 – 25 ma jixħtux f’dubju l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

17.

Il-baġit finali għall-2010 kien jinkludi approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-pagamenti li jammontaw għal EUR 38 miljun. Ir-rati ta’ utilizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-pagamenti kienu 99 % u 24 % rispettivament. L-approprjazzjonijiet għall-pagamenti ta’ EUR 29 miljun ġew miġjuba ’l quddiem għall-2011. L-implimentazzjoni baxxa tal-approprjazzjonijiet għall-pagamenti hija r-riżultat tad-dewmien tat-trasferiment tal-attivitajiet operazzjonali u l-iffinanzjar korrispondenti mill-Kummissjoni għall-Impriża Konġunta (ara l-paragrafu 23) (12). Dan jirrifletti wkoll fil-bilanċ tal-kontanti li kien ta’ EUR 20 miljun fl-aħħar tas-sena (53 % tal-approprjazzjonijiet għall-pagament disponibbli fl-2010).

Is-sistemi ta’ kontroll intern

18.

L-Impriża Konġunta ma implimentatx il-kontrolli interni u s-sistemi ta’ informazzjoni tagħha b’mod sħiħ. B’mod partikolari, huwa meħtieġ aktar xogħol fl-istabbiliment u d-dokumentazzjoni tal-proċeduri kontabilistiċi u l-kontrolli relatati mal-għeluq tal-kontijiet u mal-għarfien u l-kejl tan-nefqa operazzjonali. Dawn huma elementi importanti tas-sistema ta’ kontroll intern tal-Impriża Konġunta.

19.

Instabu nuqqasijiet ta’ kontroll fil-qasam tal-verifikazzjoni finanzarja ex ante ta’ pagamenti ta’ prefinanzjament, b’mod partikolari dwar il-kalkolu u l-validazzjoni tal-ammonti li għandhom jitħallsu. Ġie nnotat ukoll li kien hemm fiduċja sħiħa fiċ-ċertifikati rċevuti mill-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali (NFAs) għal pagamenti ta’ prefinanzjament u għal aċċettazzjoni ta’ spejjeż u li ma sarux aktar kontrolli biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità (13) tal-ispejjeż iddikjarati.

20.

Il-verifika ex post tal-klejms għall-ispejjeż tal-proġett ġiet iddelegata b’mod sħiħ lill-Istati Membri mingħajr kwalunkwe kontroll eżerċitat mill-Impriża Konġunta (14). Dan se jagħmilha diffiċli għall-Impriża Konġunta biex tiżgura li: i) l-interessi finanzjarji tal-Membri tagħha jkunu adegwatament protetti kif mitlub mir-Regolament tal-Kunsill (15) tagħha u ii) il-legalita u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi.

21.

L-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Impriża Konġunta vvalida s-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità (ABAC u SAP) fl-20 ta’ Diċembru 2010. Madankollu, il-proċessi li fuqhom huwa bbażat il-kummerċ li jipprovdu informazzjoni finanzjarja ma kinux ivvalidati, b’mod partikolari dak li jipprovdi informazzjoni finanzjarja dwar il-validazzjoni u l-pagamenti tal-klejms għall-ispejjeż li waslu mill-awtoritajiet nazzjonali.

22.

Ir-reviżjoni limitata tal-kontrolli tal-IT uriet li l-Impriża Konġunta għandha livell adegwat ta’ tmexxija tal-IT u prattika għad-daqs u l-missjoni tagħha, iżda l-formalizzazzjoni ta’ politiki u proċeduri, madankollu, baqgħet lura f’ċerti oqsma (16).

Dewmien ta’ awtonomija finanzjarja

23.

Ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta daħal fis-seħħ fi Frar 2008. F’Mejju 2010, is-sistemi finanzjarji u kontabilistiċi ntużaw u kienu ttestjati b’suċċess u l-approprjazzjonijiet amministrattivi kienu trasferiti lill-Impriża Konġunta. Madankollu, il-linji operattivi tal-baġit ma kinux trasferiti u baqgħu inaċċessibbli fis-sistema kontabilistika sakemm l-Impriża Konġunta ngħatat l-awtonomija finanzjarja uffiċjalment fis-26 ta’ Lulju 2010. It-trasferiment ta’ flus kontanti mill-Kummissjoni lill-Impriża Konġunta sar fit-22 ta’ Settembu 2010. Minn dik id-data ’l quddiem, l-Impriża Konġunta setgħet tagħmel pagamenti operazzjonali.

KWISTJONIJIET OĦRA

Il-funzjoni ta’ verifika interna u s-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni

24.

Il-karta ta’ missjoni tas-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni ġie adottat mill-Bord tat-Tmexxija fit-18 ta’ Novembru 2010. Madankollu, ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta għalissa ma ġewx emendati sabiex jinkludu d-dispożizzjoni tar-Regolament ta’ Qafas (17) li jirreferi għall-poteri tal-awditur intern tal-Kummissjoni.

Nuqqas ta’ ftehim ta’ Stat ospitanti

25.

Skont ir-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Konġunta, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-ospitalità bejn l-Impriża Konġunta u l-Belġju dwar l-akkomodazzjoni għall-uffiċċji, il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jipprovdi l-Belġju lill-Impriża Konġunta. Madankollu, sal-aħħar tal-2010 ebda ftehim bħal kien għadu ma ġie ffirmat.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 t’Ottubru 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ENIAC (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21).

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, l-attivitajiet u r-riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Jiġi ppreżentat għal-skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Is-Seba’ Programm Qafas li ġie adottat bid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jgħaqqad flimkien l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka taħt saqaf wieħed u għandu rwol kruċjali fil-kisba tal-miri ta’ tkabbir, kompetittività u impjiegi. Huwa wkoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(4)  Il-Qorti rċeviet il-kontijiet annwali fl-1 ta’ Lulju 2011 u rettifika ta’ dawn il-kontijiet fis-7 ta’ Ottubru 2011. Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet.

(5)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fl-attivi netti u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(9)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(10)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Korpi tal-UE huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

(11)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(12)  Il-pagamenti saru għall-proġetti tas-sejħiet għall-2008 u l-2009 mit-22 ta’ Settembru 2010 ’il quddiem.

(13)  L-Artikolu 13(6) tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta ENIAC annessi mar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta jgħid li “L-Istati membri [Membri] fl-ENIAC għandhom jistabbilixxu ftehim ta’ finanzjament mal-parteċipanti fi proġetti skond [skont] ir-regoli nazzjonali tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji tal-eliġibbiltà u rekwiżiti oħra finanzjarji u legali neċessarji.”

(14)  Il-ftehimiet amministrattivi ffirmati mal-Awtoritajiet ta’ Finanzjament Nazzjonali (NFAs) ma jagħtux dettall b’mod espliċitu tal-arranġamenti prattiċi għall-verifiki ex post (jiġifieri l-metodoloġija tal-verifika, il-proċeduri li għandhom jiġu applikati) li se jsiru mill-NFAs. L-NFAs huma marbuta legalment biex jikkomunikaw biss ir-riżultati ta’ dawn il-verifiki lill-Impriża Konġunta.

(15)  L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti jgħid li l-Impriża Konġunta “għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha ikunu [jkunu] adegwatament protetti billi twettaq jew tqabbad lil min iwettaq kontrolli interni u esterni adatti” u li din “għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki finanzjarji fost id-destinatarji tal-finanzjament pubbliku ta’ l-Impriża Konġunta ENIAC”. Il-kontrolli u l-verifiki għandhom isiru direttament mill-Impriża Konġunta ENIAC jew mill-Istati membri [Membri] fl-ENIAC f’isimha.

(16)  (a) ċiklu strateġiku mhux komplut ta’ ppjanar tal-IT, (b) nuqqas ta’ klassifikazzjoni ta’ data xierqa skont ir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u integrità u (c) nuqqas ta’ Pjan ta’ Irkupru ta’ Diżastru (DRP) formali.

(17)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju ta’ Qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Kommunitajiet Ewropej


ANNESS

L-Impriża Konġunta ENIAC (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(L-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Impriża Konġunta hija korp Komunitarju u l-implimentazzjoni tal-baġit tagħha hi għaldaqstant soġġetta għar-rilaxx mill-Parlament Ewropew, iżda b'kunsiderazzjoni għall-ispeċifiċitajiet li jirriżultaw min-natura tal-JTIs bħala partenarjati pubbliċi-privati u b'mod partikolari mill-kontribuzzjoni tas-settur pubbliku.

L-Impriża Konġunta ENIAC ġiet stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 21).

Il-kompetenzi tal-Impriża Konġunta

(ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 72/2008)

L-Objettivi

L-Impriża Konġunta ENIAC tikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimonstrazzjoni (2007-2013) u t-Tema “Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni” tal-Programm Speċifiku “Koperazzjoni” li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru (2007-2013) tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta’ dimonstrazzjoni. Din għandha b'mod partikolari:

tiddefinixxi u timplimenta l-Aġenda għar-Riċerka għall-iżvilupp ta’ kompetenzi ewlenin għan-Nanoelettronika f'oqsma differenti ta’ applikazzjoni sabiex jissaħħu l-kompetittività u s- sostenibbiltà tal-Ewropa u jkun possibbli l-iżvilupp ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà;

tappoġġa l-attivitajiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Aġenda għar-Riċerka (minn hawn 'il quddiem “attivitajiet ta’ R&Ż”), notevolment sabiex tagħti finanzjament lill-parteċipanti fi proġetti magħżula wara sejħiet kompetittivi għal proposti;

tippromwovi sħubiji pubbliku-privat bil-għan li jiġu mobilizzati u jinġabru flimkien l-isforzi Komunitarji, nazzjonali u dawk privati, li jiżded [jiżdiedu] l-investimenti globali f'R&Ż fil-qasam tan-Nanoelettronika, u titrawwem kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat;

tiżgura l-effiċjenza u d-durabbiltà tal-JTI dwar in-Nanoelettronika;

tikseb sinerġija u koordinazzjoni tal-isforzi Ewropej ta’ R&Ż fil-qasam tan-Nanoelettronika inkluż, meta jista' jinħoloq valur miżjud, l-integrazzjoni progressiva fl-Impriża Konġunta ENIAC tal-attivitajiet relatati f'dan il-qasam implimentat fil-preżent permezz ta’ skemi intergovernattivi ta’ R&Ż (EUREKA).

It-tmexxija

1 –   Il-Membri

Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta ENIAC huma:

il-Komunità Ewropea, rappreżentata mill-Kummissjoni;

il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Olanda [il-Pajjiżi l-Baxxi], il-Polonja, il-Portugall, l-Iżvezja [l-Isvezja] u r-Renju Unit;

l-assoċjazzjoni AENEAS (minn hawn 'il quddiem imsejħa “AENEAS”).

Sakemm jissottoskrivu għall-objettivi kif deskritti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Fondatur, l-entitajiet li ġejjin jistgħu jsiru membri tal-Impriża Konġunta ENIAC:

Stati Membri oħrajn u Pajjiżi Assoċjati mas-Seba’ Programm Kwadru;

kwalunkwe pajjiż tal-UE, mhux kandidat u mhux assoċjat (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “pajjiż terz”) li jsegwi politika jew programmi ta’ R&Ż fil-qasam tan-Nanoelettronika;

kwalunkwe entità ġuridika oħra li kapaċi tagħti kontribut finanzjarju sostanzjali għall-kisba tal-objettivi tal-Impriża Konġunta ENIAC.

Il-membri fundaturi u membri ġodda kif imsemmijin għandhom minn hawn 'il quddiem jissejħu “membri”.

L-Istati Membri u l-Pajjiżi Assoċjati membri tal-Impriża Konġunta ENIAC għandhom minn hawn 'il quddiem jissejħu “Stati membri [Membri] fl-ENIAC”.

2 –   Il-Bord tat-Tmexxija

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jikkonsisti minn rappreżentanti tal-membri tal-Impriża Konġunta ENIAC u l-President tal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà kumplessiva għall-operazzjoniiet tal-Impriża Konġunta ENIAC u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Il-Bord tat-Tmexxija għandu, b'mod partikolari:

jivvaluta applikazzjonijiet u jiddeċiedi jew jirrakkomanda bidliet fis-sħubija;

jiddeċiedi dwar it-tmiem tas-sħubija ta’ kwalunkwe membru li ma jissodisfax l-obbligi tiegħu u li ma rrimedjax f'perijodu ta’ żmien raġonevoli stabbilit mid-Direttur Eżekuttiv, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fl-assigurazzjoni tal-konformità mal-liġi Komunitarja;

jadotta r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jadotta emendi proposti għall-Istatuti;

japprova l-Pjan Strateġiku Multinannwali, inkluża l-Aġenda għar-Riċerka;

jissorvelja l-attivitajiet kumplessi tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jissorvelja l-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku Multinannwali;

japprova l-Pjan Annwali ta’ Implimentazzjoni u l-Pjan Baġitarju Annwali, inkluż il-pjan tal-istabbiliment tal-persunal;

japprova r-Rapport Annwali tal-Attività u l-Kontijiet Annwali u l-karta tal-bilanċ;

jaħtar, ineħħi, jew jissostitwixxi d-Direttur Eżekuttiv, jagħti gwida lid-Direttur Eżekuttiv, u jissorvelja l-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

jieħu r-responsabbiltà għall-għoti xieraq tal-funzjoni mogħtija mill-Artikolu 185(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 lill-awditur intern tal-Kummissjoni;

jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jistabbilixxi kumitati jew gruppi ta’ ħidma biex iwettqu kompiti speċifi kif meħtieġ;

jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu;

jassenja kull kompitu mhux allokat speċifikament lil waħda mill-entitajiet l-oħrajn tal-Impriża Konġunta ENIAC.

3 –   Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu jikkonsisti mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Impriża Konġunta ENIAC. Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu:

jiżgura li jiġu applikati sew il-prinċipji tal-ġustizzja u tat-trasparenza fl-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku lill-parteċipanti fil-proġetti;

jiddiskuti u japprova l-Programm Annwali ta’ Ħidma fuq proposti mill-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka, inkluż il-baġits disponibbli għas-sejħiet għall-proposti;

japprova r-regoli ta’ proċedura għas-sejħiet għall-proposti, għall-evalwazzjoni u l-għażla tal-proposti u għall-monitoraġġ tal-proġetti;

fuq proposta tar-rappreżentant tal-Komunità, jiddeċiedi dwar il-kontribut finanzjarju għall-Impriża Konġunta ENIAC għall-baġit tas-sejħiet għall-proposti;

japprova t-tnedija tas-sejħiet għall-proposti;

japprova l-għażla tal-proposti għall-proġetti sabiex jirċievu finanzjament pubbliku wara s-sejħiet għall-proposti;

fuq proposta tar-rappreżentant tal-Komunità, jiddeċiedi dwar il-perċentwal tal-kontribut finanzjarju tal-Impriża Konġunta ENIAC lill-parteċipanti fi proġetti li joħorġu minn sejħiet għall-proposti fi kwalunkwe sena partikolari;

jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

4 –   Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka

L-AENEAS għandha taħtar il-membri tal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka. Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka għandu jikkonsisti minn mhux inqas minn 25 membru.

Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka:

jelabora l-Pjan Strateġiku Multinannwali inklużi l-kontenut u l-aġġornament tal-Aġenda għar-Riċerka, u jippreżentah lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

iħejji l-abbozz tal-Programm Annwali ta’ Ħidma inklużi proposti għall-kontenut tas-sejħiet li għandhom jitniedu mill-Impriża Konġunta ENIAC;

jelabora proposti fir-rigward tal-istrateġija teknoloġika, ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jelabora proposti għall-attivitajiet fir-rigward tal-ħolqien ta’ ambjenti miftuħa ta’ innovazzjoni, jippromwovi l-parteċipazzjoni tal-SMEs, jiżviluppa standards b'mod trasparenti u b'mod miftuħ għall-parteċipazzjoni, il-koperazzjoni internazzjonali, id-disseminazzjoni u r-relazzjonijiet pubbliċi;

jagħti pariri lill-entitajiet l-oħrajn dwar kull kwistjoni marbuta mal-ippjanar u l-operat ta’ programmi ta’ riċerka u żvilupp, irawwem sħubijiet u jħaddem riżorsi sabiex jilħaq l-objettivi tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jaħtar gruppi ta’ ħidma fejn meħtieġ taħt il-koordinazjzoni [koordinazzjoni] kumplessiva ta’ membru jew aktar tal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka sabiex iwettaq il-kompiti msemmija hawn fuq;

jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

5 –   Id-Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għat-tmexxija ġenerali tal-Impriża Konġunta ENIAC u huwa r-rappreżentant ġuridiku tagħha. Hu għandu jwettaq il-kompiti tiegħu b'independenza sħiħa u jkun responsabbli lejn il-Bord tat-Tmexxija. Id-Direttur għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal, is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ENIAC.

Ir-rwol u l-kompiti tad-Direttur Eżekuttiv għandhom ikunu:

iħejji l-Pjan Annwali ta’ Implimentazzjoni u l-Pjan Baġitarju Annwali, f'kollaborazzjoni mal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka, u jippreżentahom lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

jissorvelja l-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ kull attività meħtieġa għat-twettiq tal-Pjan Annwali ta’ Implimentazzjoni fi ħdan il-qafas u r-regoli stipulati minn dawn l-Istatuti u deċiżjonijiet sussegwenti adottati mill-Bord tat-Tmexxija u l-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi;

iħejji l-Pjan Annwali tal-Attività u l-Kontijiet Annwali u l-karti tal-bilanċ u jippreżentahom lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

jippreżenta proposti dwar il-funzjonament intern tal-Impriża Konġunta ENIAC lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

jippreżenta proposti dwar ir-regoli ta’ proċedura għal sejħiet għall-proposti mnedija mill-Impriża Konġunta ENIAC, inkluż l-evalwazzjoni tal-proposta għall-proġett u l-proċess ta’ għażla assoċjati lill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għall-approvazzjoni;

imexxi t-tnedija tas-sejħiet għall-offerti, il-proċess tal-evalwazzjoni u l-għażla ta’ proposti għall-proġetti u n-negozjar ta’ ftehim ta’ finanzjament għal proġetti magħżula, u s-sorveljanza perjodika u s-segwitu għall-proġetti fi ħdan il-mandat mogħti mill-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi;

jikkonkludi ftehim ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ R&Ż u kuntratti ta’ servizzi u provvista meħtieġa għall-operazzjonijiet tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jawtorizza l-ħlasijiet kollha dovuti mill-Impriża Konġunta ENIAC;

jistabbilixxi u jimplimenta l-miżuri u l-azzjonijiet meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-progress tal-Impriża Konġunta ENIAC lejn it-twettiq tal-objettivi tagħha, inklużi monitoraġġ u verifika indipendenti sabiex jiġu evalwati l-effikaċja u r-rendiment tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jorganizza Reviżjonijiet ta’ proġetti u verifiki tekniċi għall-evalwazzjoni tar-riżultati ta’ riċerka u żvilupp, u jirrapporta lil-Bord tat-Tmexxija dwar ir-riżultati kumplessivi;

iwettaq verifiki finanzjarji, direttament jew permezz tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, dwar parteċipanti fil-proġetti kif meħtieġ, skond [skont] ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta ENIAC;

jinnegozja l-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tal-membri l-ġodda tal-Impriża Konġunta ENIAC, f'isem u fi ħdan il-mandat tal-Bord tat-Tmexxija;

iwettaq kull azzjoni oħra meħtieġa għat-twettiq b'suċċess tal-objettivi tal-Impriża Konġunta ENIAC mhux previsti fil-Pjan ta’ Implimentazzjoni Annwali fi ħdan kwalunkwe limiti u kondizzjonijiet stabbiliti mill-Bord tat-Tmexxija;

ilaqqa' laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi u jattendi fejn ikun il-każ dawn il-laqgħat bħala osservatur;

jipprovdi lill-Bord tat-Tmexxija b'kull informazzjoni mitluba minnu;

jippreżenta lill-Bord tat-Tmexxija l-proposta/proposti tiegħu/tagħha dwar l-istruttura organizzattiva tas-Segretarjat;

ikun għal kollox responsabbli minn deċiżjonijiet dwar ġestjoni tal-persunal fir-rigward tal-persunal tal-Impriża Konġunta ENIAC;

iwettaq stima tar-riskju u analiżi tal-ġestjoni tar-riskju u jipproponi lill-Bord tat-Tmexxija kull assigurazzjoni li tista' tkun meħtieġa għall-Impriża Konġunta ENIAC sabiex tasal sabiex tilħaq l-obbligi tagħha.

6 –   Il-verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

7 –   L-Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2010

Il-Bagit

Il-baġit ivvotat għall-2010 f'EUR

 

L-Impenji

Il-Pagamenti

TITOLU I- Persunal -

1 136 000

1 136 000

TITOLU II- Amministrattiv

1 136 000

1 136 000

TOTAL TAT-TITOLI I & II

2 272 000

2 272 000

TITOLU III-Operazzjonali

36 168 000

36 168 000

TOTAL TAT-TITOLI I, II & III

38 440 000

38 440 000

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010

 

Il-pjan ta’ stabbiliment 2010

Okkupat fil-31.12.2010

Persunal kuntrattwali

6

5

Persunal kuntrattwali

6

5

Persunal totali:

12

10

Allokati lil:

 

 

Attivitajiet Operazzjonali

4

 

Kompiti amministrattivi:

4

 

Kompiti mħallta:

2

 

L-attivitajiet u s-servizzi mogħtija fl-2010

L-Impriża Konġunta ENIAC għamlet progress kbir fl-2010. Is-sħubija tagħha ma nbdlitx (1) iżda l-impenn fil-korpi tal-Impriża Konġunta ENIAC kien intens fl-eżekuzzjoni tal-kompiti kif definiti fl-Istatuti:

Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka nominat minn AENEAS biex jipproponi l-Aġenda ta’ Riċerka ġie estiż sabiex jinkludi wkoll il-Grupp ta’ Appoġġ tiegħu, minbarra l-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija tiegħu, li rari (jekk qatt) attendew għal-laqgħat. L-IRC għadu ma adottax ir-regoli ta’ proċedura tiegħu, l-AENEAS jkompli jsejjaħ u jmexxi l-laqgħat.

Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi approva l-AWP (Programm ta’ Ħidma Annwali), għażel il-proġetti li se jiġu ffinanzjati fl-2010 u ħadem fuq regoli tal-għażla tal-proġett u “delineazzjoni” CATRENE. Bin-nuqqas ta’ sodisfazzjoni tad-“delineazzjoni”, il-Ġermanja u Franza vvotaw kontra l-AWP 2010 f'Jannar, u l-Ġermanja kienet assenti għall-AWP 2011 f'Diċembru 2010.

Id-Direttur Eżekuttiv u s-Segretarjat ippermettew l-Impriża Konġunta ENIAC li tikseb il-kapaċità biex timplimenta l-baġit tagħha stess u tesegwixxi l-Pjan ta’ Implimetazzjoni Annwali (2010 AIP).

Il-Bord tat-Tmexxija temm l-istabbiliment tal-qafas legali u kien mitlub li jnaqqas il-ħin li tqatta' fuq l-amministrazzjoni u jikkonċentra fuq il-politiki. Fil-fatt, dan hu ż-żmien opportun li jikkonċentra fuq il-politiki, issa li l-Impriża Konġunta ENIAC kisbet il-kapaċità li timplimenta l-baġit tagħha u bdiet tesegwixxi l-kompiti tagħha b'mod awtonomu. Biex jikseb dan, huwa waqaf jirrekluta u jħarreġ lill-persunal, implimenta ċ-ċirkuwitu finanzjarju, beda jaċċessa l-approprjazzjonijiet għall-attivitajiet funzjonali (5 ta’ Mejju 2010), implimenta l-Qafas ta’ Kontroll Intern, irċieva l-approprjazzjonijiet operazzjonali (22 ta’ Settembru 2010), iddefinixxa proċeduri tal-verifika, għażel il-lokazzjoni l-ġdida fil-White Atrium building eċċ.

Fi tmiem is-sena, l-Impriża Konġunta ENIAC impenjat l-approprjazzjonijiet kollha għall-proġetti li ġejjin mis-Sejħa 3 (2010), esegwiet 21,1 % tal-pagamenti operazzjonali u għalqet il-baġit funzjonali b'EUR 1,92 miljun impenjati, meta mqabbla ma’ baġit ta’ EUR 2.27 miljun; it-tfaddil ta’ EUR 352k se jiġi kreditat lill-Kummissjoni u lill-AENEAS approporzjon mal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom.

Barra minn dan, l-Impriża Konġunta ENIAC intensifikat ix-xogħol tagħha ta’ komunikazzjoni: hija ppubblikat u qassmet il-fuljett u l-profili tal-proġett għas-Sejħiet 1 u 2, aġġornat il-websajt, ikkoorganizzat il-Forum Ewropew tan-Nanoelettronika (Madrid), ipparteċipat b'mod attiv f'avvenimenti fl-Awstija, il-Ġermanja, l-Italja u r-Rumanija, u f'konferenzi nazzjonali bħall-ICT2010 (Brussell), DATE2010 (Dresden) u s-Sematech Litho Workshop (New York). Għalkemm kumpaniji industrijali jkomplu jsegwu miri sensibbli ta’ kummerċ, u jkomplu jimplimentaw politiki nazzjonali sodi f'semikondutturi, jekk wieħed jagħti ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati, jara li huwa ovvju li l-pożizzjoni Ewropea fil-kompetizzjoni globali qed tiddeterjora.

Biex tibqa' kompetittiva, l-Ewropa trid tgħolli l-programmi tagħha tal-R&Ż u industrijali għal livell ġdid, kif huwa ttamat li jiġi propost mill-Grupp ta’ Livell Għoli dwar Tekonloġiji Essenzjali Ewlenin. Ir-riskju ewlieni li taffaċċja l-Impriża Konġunta ENIAC huwa li se tintemm l-eżistenza tagħha mingħajr ma jkollha impatt fuq l-evoluzzjoni tal-industrija Ewropea tas-semikondutturi.

Realistikament, l-Ewropa teħtieġ approċċ komprensiv biex tpoġġi l-industrija tagħha tas-semikonduttur lura fit-triq lejn it-tkabbir, inkluż – iżda tmur lil hinn – mill-qafas tal-Impriża Konġunta ENIAC. Pjan Ewropew li jinvolvi appoġġ nazzjonali se tkun proposta diffiċli, kif muri bl-impenji finanzjarji insuffiċjenti tal-Istati Membri ewlenin tal-ENIAC. L-Impriża Konġunta ENIAC madankollu tikkontribwixxi għal dan il-għan billi tkompli ttejjeb il-kapaċità tagħha li timmobilizza l-mezzi magħmula disponibbli mill-awtorità baġitarja u biex tagħmel differenza.

Għal dan il-għan, l-Impriża Konġunta ENIAC trid tikkolabora mal-partijiet interessati tagħha kollha, billi ssegwi tliet linji ta’ azzjoni:Taħdem mal-AENEAS u l-industrija b'mod ġenerali biex tiġġenera proposti konvinċenti “li jridu isiru” (“must do”) għall-proġett b’ impatt strateġiku f'konformità mal-Aġenda ta’ Riċerka.

Taħdem mal-Awtoritajiet Pubbliċi Nazzjonali biex ittejjeb is-sinerġija mal-politiki segwiti mill-Istati Membri tal-ENIAC u tottimizza l-impenn finanzjarju tagħhom.

Timpenja entitajiet pubbliċi addizzjonali li jistgħu jikkontribwixxu għall-programm fil-livell nazzjonali.

Jekk is-semikondutturi huma fil-fatt Tekonloġiji Essenzjali Ewlenin fl-Ewropa, dawn il-miri għandhom jintlaħqu.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.


(1)  Il-membri tal-Impriża Konġunta ENIAC huma: AENEAS, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-ENIAC (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit).


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA ENIAC

Preżentazzjoni tal-kontijiet annwali 2010

ENIAC JU taqbel li numru ta’ elementi huma nieqsa mill-kontijiet finali u ser tagħti attenzjoni speċjali sabiex il-korrezzjonijiet meħtieġa jiddaħħlu fil-kontijiet tas-snin li ġejjin.

Paragrafu 18

Il-proċeduri ta’ kontijiet u l-kontrolli relatati mal-għeluq u mar-rikonoxximent u l-kejl tal-infiq operattiv ġew stabbiliti u dokumentati u ser ikunu implimentati b’mod sħiħ għall-għeluq tal-kontijiet tal-2011.

Paragrafu 19

Minħabba metodi differenti użati minn xi awtoritajiet nazzjonali għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tagħhom, l-input tad-dejta wassal sa ċertu punt għal differenzi fil-pagament ta’ xi prefinanzjamenti. L-ENIAC JU identifikat in-nuqqasijiet u ttieħdet azzjoni korrettiva.

Wara l-kunsiderazzjoni tal-Art. 66 tar-regoli finanzjarji tal-ENIAC JU, il-validazzjoni ta’ kwalunkwe infiq għandha tkun ibbażata fuq iċ-ċertifikazzjoni dwar ir-realtà u l-ammont tat-talba sottomessa mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ finanzjamenti rispettivi”. Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta ser twettaq kontrolli ta’ kampjuni taħt ir-responsabbiltà tagħha stess. Dawn il-kontrolli ser jitwettqu mill-Impriża Konġunta fis-snin li ġejjin biex ikunu żgurati l-legalità u r-regolarità tal-infiq dikjarat.

Paragrafu 20

Attwalment l-ENIAC JU qed tiġbor id-diversi strateġiji u proċeduri ta’ verifiki nazzjonali kif ukoll ir-riżultati ta’ verifiki ex post mill-Istati Membri tal-ENIAC, u flimkien mal-awditur intern (IAS) ser tanalizza il-mod kif ittejjeb u tirrevedi l-istrateġija ta’ verifika ex post tal-JU.

Paragrafu 21

Filwaqt li fl-2010 s-sistemi ta’ finanzjament u ta’ kontabbiltà (ABAC u SAP) kienu validati, l-amministrazzjoni tirrikonoxxi li hija meħtieġa aktar ħidma biex jiġu validati ċerti proċessi ta’ negozju sottostanti li jipprovdu informazzjoni finanzjarja. Il-validazzjoni ta’ dawn il-proċessi ser tkun finalizzata fl-2011, filwaqt li jitqiesu l-linji gwida tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

Paragrafu 22

Minħabba ċ-ċaqliq imminenti għal bini ġdid kmieni fl-2011, fl-2010 l-ENIAC JU ipposponiet kwalunkwe pjanijiet għall-iżvilupp ta’ softwer tagħha stess, biex timplimenta depożitorju ta’ dejta tagħha u ddependiet mill-Pjan ta’ Rkupru minn Diżastri tal-Kummissjoni, li pprovdiet l-infrastruttura tal-IT.

Paragrafu 24

Wara l-finalizzazzjoni tar-reviżjoni li għaddejja tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, ser tiġi vvalutata l-ħtieġa li r-rwol tal-IAS fir-regoli finanzjarji tal-ENIAC JU ikun kjarifikat aktar.

Paragrafu 25

L-ENIAC JU ħadet il-passi meħtieġa biex jiġi ffirmat il-Ftehim tal-Istat Ospitanti hekk kif bagħtet żewġ kopji tal-ftehim debitament iffirmati mid-Direttur Eżekuttiv lill-awtoritajiet Belġjani fis-17 ta’ Diċembru 2010, u stednithom sabiex jirritornaw kopja waħda bil-firma tagħhom.