ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.290.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 290

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
1 ta' Ottubru 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2011/C 290/01

L-Aħħar Pubblikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni EwropeaĠU C 282, 24.9.2011

1

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI TAL-QORTI

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja

2011/C 290/02

Kawża C-370/11: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

2

2011/C 290/03

Kawża C-377/11: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja) fit-18 ta’ Lulju 2011 — International Bingo Technology, S.A. vs Tribunal Económico Regional de Cataluña (TEARC)

2

2011/C 290/04

Kawża C-381/11: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Mercantil de Barcelona (Spanja) fit-18 ta’ Lulju 2011 — Manuel Mesa Bertrán y Cristina Farrán Morenilla vs Novacaixagalicia

3

2011/C 290/05

Kawża C-385/11: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social de Barcelona (Spanja) fid-19 ta’ Lulju 2011 — Isabel Elbal Moreno vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

3

2011/C 290/06

Kawża C-389/11 P: Appell ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2011 mir-Région Nord-Pas-de-Calais kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Mejju 2011 fil-Kawżi magħquda T-267/08 u T-279/08, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’Agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni

4

2011/C 290/07

Kawża C-398/11: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Ireland fis-27 ta’ Lulju 2011 — Thomas Hogan, Jonh Burns, John Dooley, Alfred Ryan, Michael Cunningham, Michael Dooley, Denis Hayes, Marion Walsh, Joan Power, Walter Walsh vs Il-Ministru għall-Affarijiet Soċjali u tal-Familja, Avukat Ġenerali

5

2011/C 290/08

Kawża C-399/11: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Constitucional, Madrid (Spanja) fit-28 ta’ Lulju 2011 — Proċeduri kriminali kontra Stefano Melloni — parti oħra involuta: Ministerio Fiscal

5

2011/C 290/09

Kawża C-403/11: Rikors ippreżentat fis-27 ta' Lulju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

6

2011/C 290/10

Kawża C-407/11 P: Appell ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2011 mill-Gvern ta’ Ġibiltà kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) mogħti fl-24 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-176/09: Il-Gvern ta’ Ġibiltà vs Il-Kummissjoni Ewropea

6

2011/C 290/11

Kawża C-410/11: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja) fl-1 ta’ Awwissu 2011 — Pedro Espada Sánchez et vs Iberia Líneas Aéreas de España S.A.

7

 

Il-Qorti Ġenerali

2011/C 290/12

Kawża T-370/11: Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2011 — Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

9

2011/C 290/13

Kawża T-392/11: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2011 — Iran Transfo vs Il-Kunsill

9

2011/C 290/14

Kawża T-398/11 P: Appell ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2011 minn Yvette Barthel et kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża F-59/10, Barthel et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

10

2011/C 290/15

Kawża T-404/11: Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2011 — Turbo Compressor Manufacturer vs Il-Kunsill

11

2011/C 290/16

Kawża T-420/11: Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2011 — Ocean Capital Administration et vs Il-Kunsill

12

2011/C 290/17

Kawża T-422/11: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2011 — Computer Resources vs L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet

13

2011/C 290/18

Kawża T-432/11: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2011 — Makhlouf vs Il-Kunsill

13

2011/C 290/19

Kawża T-433/11: Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2011 — Makhlouf vs Il-Kunsill

14

2011/C 290/20

Kawża T-436/11: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Awwissu 2011 — Afriqiyah Airways vs Il-Kunsill

14

2011/C 290/21

Kawża T-438/11: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awissu 2011 — BelTechExport vs Il-Kunsill

15

2011/C 290/22

Kawża T-439/11: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awissu 2011 — Sport-pari vs Il-Kunsill

15

2011/C 290/23

Kawża T-440/11: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awissu 2011 — BT Telecommunications vs Il-Kunsill

16

2011/C 290/24

Kawża T-441/11: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2011 — Peftiev vs Il-Kunsill

17

2011/C 290/25

Kawża T-442/11: Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2011 — Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

17

2011/C 290/26

Kawża T-445/11: Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2011 — Charron Inox u Almet vs Il-Kummissjoni

18

2011/C 290/27

Kawża T-455/11 P: Appell ippreżentat fil-11 ta’ Awwissu 2011 mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-26 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża F-83/09 — Kalmár vs Europol

19

 

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

2011/C 290/28

Kawża F-72/11: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2011 — ZZ et vs Il-Kummissjoni

20

2011/C 290/29

Kawża F-74/11: Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2011 — ZZ vs Il-Kummissjoni

20

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/1


2011/C 290/01

L-Aħħar Pubblikazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

ĠU C 282, 24.9.2011

Pubblikazzjonijiet preċedenti

ĠU C 269, 10.9.2011

ĠU C 252, 27.8.2011

ĠU C 238, 13.8.2011

ĠU C 232, 6.8.2011

ĠU C 226, 30.7.2011

ĠU C 219, 23.7.2011

Dawn it-testi huma disponibbli fuq:

EUR-Lex: http://eur-lex.europa.eu


V Avviżi

PROĊEDURI TAL-QORTI

Il-Qorti tal-Ġustizzja

1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/2


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Lulju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju

(Kawża C-370/11)

2011/C 290/02

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: W. Mölls, aġent)

Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju

Talbiet

Il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi żamm fis-seħħ regoli li jipprovdu li l-qligħ kapitali miksub meta jsir ix-xiri mill-ġdid ta’ azzjonijiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li ma humiex awtorizzati skont id-Direttiva 85/611/KEE (1) ma huwiex taxxabbli meta dawn l-impriżi jkunu stabbiliti fil-Belġju filwaqt li l-qligħ kapitali miksub meta jsir ix-xiri mill-ġdid ta’ azzjonijiet ta’ tali impriżi stabbiliti fin-Norveġja jew fl-Islanda huwa taxxabbli, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 36 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni qiegħda tattakka d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni sa fejn għandhom l-effett li jiddiswadu lir-residenti Belġjani milli jinvestu fl-impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fin-Norveġja jew fl-Islanda minħabba li l-qligħ kapitali miksub meta jsir ix-xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ma jistax igawdi mill-eżenzjoni fiskali applikabbli għall-qligħ kapitali miksub meta jsir ix-xiri mill-ġdid tal-azzjonijiet ta’ impriża ta’ investiment kollettiv stabbilita fil-Belġju.

Il-Kummissjoni ssostni li tali differenza fit-trattament tillimita l-moviment liberu tal-kapital iggarantit mill-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Bl-istess mod, din id-differenza tostakola l-libertà li jiġu pprovudti servizzi u għalhekk tammonta għal ksur tal-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE.

Bi tweġiba għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-awtoritajiet Belġjani, il-Kummissjoni tosserva, fl-ewwel lok, li d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni Belġjana fi ħdan il-kategorija ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri skont jekk humiex awtorizzati jew le taħt id-Direttiva 85/611/KEE, ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors. Fit-tieni u fit-tielet lok, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument li l-miżuri msemmija huma ġustifikati minħabba raġunijiet marbuta mal-effikaċità tal-kontrolli fiskali jew man-nuqqas ta’ mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkonstata li l-Belġju, in-Norveġja u l-Islanda rrattifikaw il-Konvenzjoni dwar l-assistenza amministrattiva fil-qasam fiskali, imfassla fil-kuntest tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OCDE) u tal-Kunsill tal-Ewropa, u li l-ftehim dwar taxxa doppja, konklużi bejn il-Belġju u, rispettivament, in-Norveġja u l-Islanda, jipprevedu mekkaniżmi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn dawn il-pajjiżi.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139).


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja) fit-18 ta’ Lulju 2011 — International Bingo Technology, S.A. vs Tribunal Económico Regional de Cataluña (TEARC)

(Kawża C-377/11)

2011/C 290/03

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja).

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: International Bingo Technology, S.A.

Konvenut: Tribunal Económico Regional de Cataluña (TEARC)

Domandi preliminari

(1)

Għall-finijiet tal-integrazzjoni tal-fatt taxxabbli tal-VAT, il-fatt li l-lagħaba tat-tombla jħallsu l-parti tal-prezz tal-biljetti li tikkorrispondi għar-rebħ jimplika li kien hemm konsum awtentiku ta’ oġġetti jew ta’ servizzi?

(2)

Għall-finijiet tar-regoli li jirregolaw id-denominatur użat sabiex tiġi kkalkolata l-perċentwali tal-pro rata, l-Artikolu 11(A)(1)(a), ikkunsidrat flimkien mal-Artikoli 17(5) u 19(1) tas-Sitt Direttiva (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi livell ta’ armonizzazzjoni tali li jipprekludi li fid-diversi Stati Membri jkunu adottati, fuq livell leġiżlattiv jew ġurisprudenzjali, soluzzjonijiet differenti fir-rigward tal-inklużjoni, fil-valur taxxabbli tal-VAT, tal-parti tal-prezz tal-biljetti intiża għall-ħlas tar-rebħ?

(3)

Għall-finijiet tal-integrazzjoni tad-denominatur użat sabiex tiġi kkalkolata l-perċentwali tal-pro rata, l-Artikolu 11(A)(1)(a), ikkunsidrat flimkien mal-Artikoli 17(5) u 19(1) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li, fil-każ tal-logħob tat-tombla, tinkludi fil-valur taxxabbli tal-VAT is-sommom li jikkorrispondu għall-ammont tar-rebħ u li tħallsu mil-lagħaba permezz tax-xiri tal-biljetti?


(1)  Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima; ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/3


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado Mercantil de Barcelona (Spanja) fit-18 ta’ Lulju 2011 — Manuel Mesa Bertrán y Cristina Farrán Morenilla vs Novacaixagalicia

(Kawża C-381/11)

2011/C 290/04

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado Mercantil de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Manuel Mesa Bertrán u Cristina Farrán Morenilla

Konvenuta: Novacaixagalicia

Domandi preliminari

(1)

Jekk istituzzjoni ta’ kreditu tipproponi lil klijent, li miegħu qabel tkun iffirmat kuntratt ta’ self ipotekarju, tpartit tar-rata’ ta’ interessi sabiex jiġi kopert ir-riskju ta’ varjazzjoni tar-rata ta’ interessi tat-tranżazzjoni preċedenti, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala parir dwar investiment skont id-definizzjoni tal-Artikolu 4(1)(1) tad-Direttiva 2004/39/KE?

(2)

In-nuqqas tat-test ta’ adattabbiltà skont l-Artikolu 19(4) tal-imsemmija direttiva għal investitur bl-imnut, għandu jiddetermina n-nullità assoluta tat-tpartit finazjarju ta’ interessi li sar bejn l-investitur u l-istituzzjoni ta’ kreditu li tat il-parir?

(3)

Jekk is-servizz ipprovdut f’dawn it-termini ma jitqiesx bħala parir dwar investiment, is-sempliċi fatt li jsir l-l-akkwist ta’ strument finanzjarju kumpless bħat-tpartit ta’ interessi mingħajr ma jsir it-test ta’ konvenjenza previst fl-Artikolu 19(5) tad-Direttiva 2004/39/KE, għal raġunijiet attribwibbli għall-ammont tal-investiment, għandu jiddetermina n-nullità assoluta tal-kuntratt ta’ akkwist iffirmat mal-istess ituzzjoni ta’ kreditu?

(4)

Skont l-Artikolu 19(9) tad-Direttiva MiFID, is-sempliċi fatt li istituzzjoni ta’ kreditu toffri strument finanzjarju kumpless marbut ma’ self ipotekarju, huwa raġuni biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-obbligu li jsir it-test ta’ adegwatezza u ta’ konvenjenza li jipprovdi l-imsemmi Artikolu 19 li l-entità ta’ investiment għandha tagħmel lill-investitur bl-imnut?

(5)

Sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/39/KE, huwa meħtieġ li l-prodott finanzjarju li huwa marbut mal-istrument finanzjarju offrut jiġi suġġett għall-istandards legali ta’ protezzjoni tal-investitur simili għal dawk stabbiliti mill-imsemmija direttiva?


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/3


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Social de Barcelona (Spanja) fid-19 ta’ Lulju 2011 — Isabel Elbal Moreno vs Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

(Kawża C-385/11)

2011/C 290/05

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Social de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Isabel Elbal Moreno

Konvenuti: Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS)

Domandi preliminari

(1)

Il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tax-xogħol” imsemmi fil-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fil-klawżola 4 tad-Direttiva 97/81 (1) jinkludi pensjoni ta’ rtirar tat-tip kontributtiv, bħal dik prevista mis-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola, li tirriżulta mill-kontribuzzjonijiet magħmula minn u favur il-ħaddiem matul il-ħajja tax-xogħol kollha tiegħu?

(2)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta pożittiva għall-ewwel domanda u tikkunsidra li pensjoni ta’ rtirar bħal dik tat-tip kontributtiv prevista mis-sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola hija koperta mill-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tax-xogħol” li huwa msemmi fil-klawżola 4 tad-Direttiva 97/81, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista minn din il-klawżola għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali li — bħala riżultat tal-applikazzjoni doppja tal-“principio pro rata temporis” — teżiġi li l-ħaddiema part-time, meta mqabbla ma’ ħaddiema full-time, għandu jkollhom perijodu ta’ kontribuzzjoni proporzjonalment itwal sabiex jaċċedu, jekk ikun il-każ, għal pensjoni ta’ rtirar tat-tip kontributtiv, li l-ammont tagħha jiġi mnaqqsa proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol tagħhom?

(3)

Bħala domanda supplimentari għal dawk preċedenti, leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni Spanjola (li tinsab fis-seba’ premessa addizzjonali tal-liġi ġenerali dwar is-sigurtà soċjali) dwar is-sistema ta’ kontribuzzjoni, ta’ aċċess u ta’ determinazzjoni tal-pensjoni ta’ rtirar tat-tip kontributtiv għall-ħaddiema part-time tista’ tiġi kkunsidrata bħala wiħed mill-“aspetti u l-kondizzjonijiet […] ta’ rimunerazzjoni” li fir-rigward tagħhom tapplika l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/54 (2) u fl-Artikolu 157 TFUE (l-ex Artikolu 141 KE)?

(4)

Bħala domanda sussidjarja għal dawk preċedenti, fil-każ fejn il-pensjoni ta’ rtirar Spanjola tat-tip kontributtiv la hija koperta mill-kunċett ta’ “kondizzjonijiet tax-xogħol” u lanqas mill-kunċett ta’ “rimunerazzjoni”, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 (3) għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola nazzjonali li — bħala riżultat tal-applikazzjoni doppja tal-“principio pro rata temporis” — teżiġi li l-ħaddiema part-time (fil-parti l-kbira tagħhom nisa), meta mqabbla ma’ ħaddiema full-time, għandu jkollhom perijodu ta’ kontribuzzjoni proporzjonalment itwal sabiex jaċċedu, jekk ikun il-każ, għal pensjoni ta’ rtirar tat-tip kontributtiv, li l-ammont tagħha jiġi mnaqqsa proporzjonalment skont il-ħin tax-xogħol tagħhom?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267

(2)  Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- 5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid), ĠU L 204, p. 23.

(3)  Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/4


Appell ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2011 mir-Région Nord-Pas-de-Calais kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Mejju 2011 fil-Kawżi magħquda T-267/08 u T-279/08, Région Nord-Pas-de-Calais u Communauté d’Agglomération du Douaisis vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-389/11 P)

2011/C 290/06

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Région Nord-Pas-de-Calais (rappreżentanti: M. Cliquennois u F. Cavedon, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Communauté d’Agglomération du Douaisis, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla s-sentenza mogħtija fit-12 ta’ Mejju 2011 mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-kawżi magħquda T-267/08 u T-279/08;

tilqa’ t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza mir-Région Nord-Pas-de-Calais

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Région Nord-Pas-de-Calais tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli rrifjutat milli teżamina l-ilmenti espressi kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 1089 finali, tat-2 ta’ April 2008, irtirata u ssostitwita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4112 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, fejn iż-żewġ deċiżjonijiet jikkonċernaw l-istess għajnuna mill-Istat, C 38/2007 (ex NN 45/2007). Fil-fatt, skont l-appellanti, id-deċiżjoni l-ġdida fil-verità twieġeb għas-sottomissjonijiet bil-miktub li hija kienet ippreżentat fil-kuntest tar-rikors inizjali tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tista’ tinstema’ fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva minn qabel ġdida.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva peress li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida billi evitat l-obbligu li tosserva l-formalitajiet sostanzjali inerenti għal din l-adozzjoni. Fil-fatt, hija biddlet l-analiżi tagħha dwar in-natura tal-miżura tal-Istat inkwistjoni u rrevediet il-metodu ta’ kalkolu tar-rati ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat mogħtija favur Arbel Fauvet Rail SA.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Ireland fis-27 ta’ Lulju 2011 — Thomas Hogan, Jonh Burns, John Dooley, Alfred Ryan, Michael Cunningham, Michael Dooley, Denis Hayes, Marion Walsh, Joan Power, Walter Walsh vs Il-Ministru għall-Affarijiet Soċjali u tal-Familja, Avukat Ġenerali

(Kawża C-398/11)

2011/C 290/07

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Ireland

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Thomas Hogan, Jonh Burns, John Dooley, Alfred Ryan, Michael Cunningham, Michael Dooley, Denis Hayes, Marion Walsh, Joan Power, Walter Walsh

Konvenuta: Il-Ministru għall-Affarijiet Soċjali u tal-Familja, Avukat Ġenerali

Domandi preliminari

(1)

Id-Direttiva 2008/98/KE (1), fid-dawl tal-Artikolu 1(1) tagħha u fid-dawl tal-fatt li taħt il-liġi Irlandiża t-telf tal-benefiċċji tal-pensjoni li għalihom huma intitolati r-rikorrenti ma joħloqx kreditu kontra min iħaddem li jkunu jistgħu jinvokaw quddiem ir-riċevitur jew fil-kuntest ta’ xi proċedura ta’ stralċ ta’ min iħaddimhom, u li ma jipprovdilhom ebda bażi legali oħra sabiex jaġixxu kontra min iħaddimhom fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, tapplika għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti?

(2)

Fl-evalwazzjoni ta’ jekk Stat wettaqx l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8, il-qorti nazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni il-pensjoni kontributorja legali li ser jirċievu r-rikorrenti (li r-riċezzjoni tagħha hija indipendenti mill-iskema tal-pensjoni professjonali) u tqabbel (a) it-total tal-pensjoni legali u tal-valur tal-pensjoni li r-rikorrenti sejrin jew li x’aktarx sejrin effettivament jirċievu abbażi tal-iskema tal-pensjoni professjonali, ma’ (b) it-total tal-pensjoni kontributorja legali u l-valur tad-drittijiet tal-pensjoni akkumulati minn kull wieħed mir-rikorrenti fid-data li ngħalqet l-iskema, li kienet ġiet ikkonċepita b’tali mod li tieħu inkunsiderazzjoni l-pensjoni legali sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-benefiċċji mitlub mir-rikorrenti?

(3)

F’każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda, l-ammonti li r-rikorrenti jistgħu effettivament jirċievu huma biżżejjed sabiex jitqies li l-Istat osserva l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8?

(4)

Sabiex l-Artikolu 8 tad-Direttiva japplika, għandha tiġi stabbilita xi rabta kawżali bejn it-telf min-naħa tar-rikorrenti tal-benefiċċji tal-pensjoni tagħhom u l-insolvenza ta’ min iħaddimhom, apparti mill-fatti li (i) fid-data li fiha, min iħaddem sab ruħu fi stat ta’ insolvenza, l-iskema għall-pensjoni ma kinitx tibbenefika minn kopertura finanzjarja suffiċjenti u (ii) l-insolvenza ta’ min iħaddem tfisser li dan ma għandux ir-riżorsi meħtieġa sabiex iħallas biżżejjed kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjoni sabiex jippermetti l-ħlas totali tal-benefiċċji tal-pensjoni dovuti lill-membri (b’min iħaddem ma jkollu l-ebda obbligu li jagħmel dan meta l-iskema tiġi likwidata)?

(5)

Il-miżuri adottati mill-Irlanda, kif deskritti iktar ’il fuq, jikkostitwixxu eżekuzzjoni tal-obbligi imposti mid-Direttiva fir-rigward tal-fatturi soċjali, kummerċjali u ekonomiċi li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Irlanda matul ir-reviżjoni tas-sistema tal-protezzjoni tal-pensjonijiet wara s-sentenza Robins […] u; b’mod partikolari; fir-rigward tal-“ħtiġiet għal żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat” li huma msemmija fil-premessa 3 tad-Direttiva?

(6)

Is-sitwazzjoni ekonomika […] tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali biżżejjed sabiex jiġi ġġustifikat li l-livell ta’ protezzjoni tal-interessi tar-rikorrenti jkun inferjuri mil-livell li kien ikun meħtieġ f’ċirkostanzi oħra u, jekk dawn huwa l-każ, x’inhuwa l-livell inferjuri ta’ protezzjoni ammissibbli?

(7)

F’każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, il-fatt li l-miżuri meħuda mill-Istat wara s-sentenza Robins ma wasslux għar-riżultat li jippermetti li r-rikorrenti jirċievu iktar minn 49 % tal-valur tad-drittijiet tal-pensjoni akkumulati tagħhom fil-kuntest tal-iskema għall-pensjoni professjonali tagħhom, fih innifsu jikkostitwixxi ksur serju tal-obbligi tal-Istat, li jawtorizza lir-rikorrenti li jitolbu l-kumpens għad-danni li sostnew (jiġifieri, mingħajr ma għandu jintwera separatament li l-imġiba tal-Istat wara s-sentenza Robins tikkostitwixxi nuqqas ta’ osservanza manifest u serju tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva)?


(1)  Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, dwar il-protezzjoni tal-impjegati fil-każ tal-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU L 283, p. 36)


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/5


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Constitucional, Madrid (Spanja) fit-28 ta’ Lulju 2011 — Proċeduri kriminali kontra Stefano Melloni — parti oħra involuta: Ministerio Fiscal

(Kawża C-399/11)

2011/C 290/08

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Constitucional

Partijiet fil-kawża prinċipali

Proċeduri kriminali kontra: Stefano Melloni

Parti oħra involuta: Ministerio Fiscal

Domandi preliminari

(1)

L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI (1), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ li tirriżulta mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI (2), għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali, fl-ipoteżi indikati fl-imsemmija dispożizzjoni, milli jissuġġettaw l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-kundizzjoni li l-kundanna inkwistjoni tkun tista’ tiġi mistħarrġa sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet ta’ difiża tal-persuna kkonċernata?

(2)

Fil-faż fejn ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI huwa kumpatibbli mal-eżiġenzi li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ ġust previst fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mad-drittijiet tad-difiża ggarantiti mill-Artikolu 48(2) tal-imsemmija Karta?

(3)

Fil-każ fejn ir-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikolu 53 tal-Karta, interpretat b’mod sistematiku flimkien mad-drittijiet rikonoxxuti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, jippermetti li Stat Membru jissuġġetta l-konsenja ta’ persuna kkundannata in absentia għall-kundizzjoni li l-kundanna tkun tista’ tiġi mistħarrġa fl-Istat li jagħmel id-domanda, u b’hekk jagħti lil dawn id-drittijiet livell ta’ protezzjoni iktar għoli minn dak li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi evitata interprtazzjoni limitanti jew li timmina dritt fundamentali rrikonoxxut mill-Kostituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru?


(1)  Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34).

(2)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru [Qafas] 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU L 81, p. 24)


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/6


Rikors ippreżentat fis-27 ta' Lulju 2011 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-403/11)

2011/C 290/09

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Valero Jordana, u I. Hadjiyiannis, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tas-Spanja

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13(1), (2), (3) u (6) (ħlief fil-każ tad-distrett tal-baċin tax-xmara tal-Cataluña), taħt l-Artikolu 14(1)(ċ) (ħlief fil-każ tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tad-distrett tal-baċin tax-xmara tal-Cataluña, tal-Islas Baleares, Tenerife, Guadiana, Guadalquivir, baċir Meditteranju tal-Andalucía; Tinto-Odiel-Piedras; Guadalete-Barbate; Galicia-Costa; Miño-Sil; Duero; Cantábrico tal-punent; u Cantábrico tal-lvant) kif ukoll taħt l-Artikolu 15(1) (ħlief fil-każ tad-distrett tal-baċin tax-xmara tal-Cataluña) tad-Direttiva 2000/60/KE (1), tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275);

tikkundanna lir-Renju tas-Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ksur tal-Artikoli 13 u 15 tad-Direttiva:

Peress li Spanja naqset milli tadotta jew milli tippubblika pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar nazzjonali (bl-eċċezzjoni ta’ pjan ta’ mmaniġġjar tad-distrett tal-“baċin tax-xmara tal-Cataluña”) il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kopja ta’ dawn il-pjanijiet la fit-22 ta’ Marzu 2010 u lanqas sal-lum. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li Spanja kisret l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva (bl-eċċezzjoni tal-pjan ta’ mmaniġġjar tad-distrett tal-“baċin tax-xmara tal-Cataluña”).

Ksur tal-Artikolu 14 tad-Direttiva:

 

Minn qari flimkien tal-Artikolu 14(1)(ċ) u 13(6) tad-Direttiva Qafas, il-Kummissjoni tqis li l-proċess ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku dwar l-abbozzi ta’ pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar, barra milli sar tajjeb fil-każ tal-“baċin tax-xmara tal-Cataluña”, li l-pjan tiegħu diġà ġie adottat, ġie mniedi fi tnax-il distrett tal-baċin tax-xmara ieħor: Islas Baleares, Tenerife, Guadiana, Guadalquivir, baċir Meditteranju tal-Andalucía; Tinto-Odiel-Piedras; Guadalete-Barbate; Galicia-Costa; Miño-Sil; Duero; Cantábrico tal-punent; u Cantábrico tal-lvant).

 

Il-Kummissjoni tikkonkludi li, bl-eċċezzjoni ta’ dawn it-tlettax-il distrett tal-baċin tax-xmara, Spanja kisret l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/6


Appell ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2011 mill-Gvern ta’ Ġibiltà kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) mogħti fl-24 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-176/09: Il-Gvern ta’ Ġibiltà vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-407/11 P)

2011/C 290/10

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Gvern ta’ Ġibiltà (rappreżentant: D. Vaughan QC, M. Llamas, Barrister)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet tal-appellant

L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali għandha:

(a)

tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża T-176/09;

(b)

tiddikjara ammissibbli l-applikazzjoni tal-Gvern fil-Kawża T-176/09;

(ċ)

tirrinvija l-każ lura quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Gvern dwar il-merti;

(d)

sussidjarjament għal (b) u (ċ), tirrinvija l-każ lura quddiem il-Qorti Ġenerali bl-ordni li l-Qorti Ġenerali issa tittratta kull kwistjoni li fadal dwar l-ammissibbiltà fl-istess waqt bħall-kunsiderazzjoni tagħha dwar il-mertu tal-każ;

(e)

tordna lill-Kummissjoni u lil Spanja sabiex iħallsu l-ispejjeż tal-Gvern quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant jikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali għall-motivi li ġejjin:

(1)

il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea meta applikat jew applikat b’mod żbaljat il-liġi dwar l-annullament parzjali u l-qtugħ fiċ-ċirkustanzi tal-każ peress li dan il-każ huwa ekwivalenti għal rettifika ta’ reġistru dwar il-firxa ta’ proprjetà u mhux għal annullament parzjali veru jew qtugħ; partijiet tas-sit ES6120032 kienu kjarament ġew identifikati b’mod żbaljat jew kienu kjarament ibbażati fuq informazzjoni żbaljata u qarrieqa mogħtija minn Spanja. Iż-żona koperta mis-sit għandha tiġi rettifikata permezz ta’ annullament xieraq u proporzjonat;

(2)

il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea meta sabet li l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2009/95 (1) bil-mod kif mitlub mill-Gvern (1) kien ser ifisser li l-Qorti kien ser ikollha tiddefinixxi mill-ġdid il-limiti ġeografiċi tas-sit ES6120032 u tbiddel kompletament is-sit ES6120032 u (2) kien, għalhekk, ser ibiddel is-sostanza tad-Deċiżjoni 2009/95 u manifestament ma jkunx jista’ jinqata’ mill-bqija tad-Deċiżjoni 2009/95;

(3)

il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea meta sostniet li ma kien hemm ebda evidenza li delimitazzjoni ġdida tas-sit ES6120032 bil-mod kif talab il-Gvern kienet ser tissodisfa l-kriterji msemmija fl-Anness III tad-Direttiva dwar il-Habitats għall-klassifikazzjoni ta’ żona bħala Sit ta’ Importanza Komunitarja meta kien hemm ammont sostanzjali ta’ evidenza fil-fatt u fid-dritt li dan kien ser jikkwalifika bħala tali u li qatt ma ġie ssuġġerit il-kuntrarju mingħand ebda waħda mill-partijiet, u għalhekk il-Qorti Ġenerali żnaturat l-evidenza u/jew għamlet karatterizzazzjoni legali żbaljata tal-fatti u ħarġet minnhom konklużjonijiet żbaljati u/jew għamlet żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, u barra minn hekk applikat it-test legali żbaljat u, fiċ-ċirkustanzi, adottat proċeduri mhux xierqa;

(4)

barra minn hekk jew sussidjarjament għal dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kisret il-proċedura li taffettwa b’mod negattiv l-interessti tal-Gvern billi kisret id-drittijiet tad-difiża peress li ma tatx lill-Gvern l-opportunità li jikkummenta dwar dokumenti ppreżentati mill-partijiet l-oħra fil-kawża u billi ma urietx lill-Gvern dokument ippreżentat minn Spanja li kien importanti għall-kwistjoni li fuqha l-Qorti kienet ser tibbaża d-digriet tagħha u billi adottat, fiċ-ċirkustanzi, proċeduri li ma kinux xierqa;

(5)

barra minn hekk jew sussidjarjament għal dak li ntqal iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kisret il-proċedura li affettwat b’mod negattiv l-interessi tal-Gvern billi naqqset milli tipprovdi motivazzjoni sabiex issostni s-sejba tagħha li ma kien hemm ebda evidenza li delimitazzjoni ġdida tas-sit ES6120032 kif sostnut mill-Gvern, kienet ser tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Anness HI tad-Direttiva tal-Habitats għall-klassifikazzjoni ta’ żona bħala Sit ta’ Importanza Komunitarja u/jew sabiex tiġi injorata jew rifjutata evidenza sostanzjali kuntrarja.


(1)  2009/95/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Mediterran (notifikata bid-dokument numru C(2008) 8049) (ĠU L 43, p. 393).


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Barcelona (Spanja) fl-1 ta’ Awwissu 2011 — Pedro Espada Sánchez et vs Iberia Líneas Aéreas de España S.A.

(Kawża C-410/11)

2011/C 290/11

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de Barcelona

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pedro Espada Sánchez et

Konvenuta: Iberia Líneas Aéreas de España S.A.

Domandi preliminari

(1)

Il-limitu ta’ 1 000 Dritt Speċjali tal-Ġbid għal kull passiġġier, stabbilit fl-Artikolu 22(2) tal-Konvenzjoni ta’ Montréal għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport Internazzjonali bl-Ajru, relatat mar-responsabbiltà tat-trasportatur fil-każ ta’ distruzzjoni, telf jew dannu lill-bagalji, flimkien mal-Artikolu 3(3) ta’ din l-istess konvenzjoni, għandu jiġi interpretat bħala li jirrappreżenta limitu applikabbli għal kull wieħed mill-passiġġieri meta diversi passiġġieri jivjaġġaw flimkien u jirreġistraw flimkien il-bagalji komuni tagħhom, minkejja l-fatt li n-numru ta’ bagalji rreġistrati huwa inqas min-numru effettiv ta’ passiġġieri?

(2)

Jew inkella, bil-kontra ta’ dan, il-limitu ta’ kumpens stabbilit fl-imsemmija dispożizzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, għal kull bagalja rreġistrata, jista’ jkun hemm biss passiġġier wieħed li jkollu d-dritt li jeżiġi l-kumpens u li, konsegwentement, il-limitu ta’ kumpens huwa stabbilit għal passiġier wieħed, anki jekk ikun paċifiku li l-bagalja mitlufa hija koperta minn skeda ta’ identifikazzjoni unika li tikkorrispondi għal iktar minn passiġġier wieħed?


Il-Qorti Ġenerali

1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/9


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2011 — Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-370/11)

2011/C 290/12

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Republika tal-Polonja [rappreżentant: M. Szpunar, Podsekretarz Stanu (il-viċi segretarju tal-Istat)]

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannula fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2011) 2772) (ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq

ksur tat-tieni suparagrafu tal-Artikolu 194(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikoli 192(2)(c) (TFUE), peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal-Istati Membri individwali fir-rigward tal-karburant, kif ukoll peress li ddefinixxiet il-parametri ta’ riferiment tal-prodotti billi użat bħala kejl l-effiċjenza tal-prestazzjoni tal-gass naturali u użat dan il-karburant bħala riferiment;

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq

ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali kif ukoll tal-Artikolu 191(2) u (3) tat-TFUE, peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fit-teħid tad-deċiżjoni kkontestata, in-numru kbir ta’ sitwazzjonijiet fir-reġjuni varji tal-Unjoni Ewropea;

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq

ksur tal-Artikolu 5(4) tat-TFUE (il-prinċipju ta’ proporzjonalità) peress li ffissat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-parametri ta’ riferiment f’livell l-iktar restrittiv, lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE;

(4)

It-tielet motiv ibbażat fuq

ksur tal-Artikolu 10a, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87/KE, u l-inkompetenza tal-Kummissjoni Ewropea fl-adozzjoni tal-miżura kkontestata.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/9


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2011 — Iran Transfo vs Il-Kunsill

(Kawża T-392/11)

2011/C 290/13

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Iran Transfo (Teheran, Iran) (rappreżentant: K. Kleinschmidt, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/299/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn dan l-att jirrigwarda r-rikorrenti;

tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll li l-konvenut jissottometti d-dokumenti kollha relatati mad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

Id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”) ġew miksura. Fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dritt tal-libertà tal-intrapriża huwa rrikonoxxut kif ukoll l-Artikolu 17 jiggarantixxi d-dritt għal proprjetà fl-Unjoni Ewropea u li wieħed jiddisponi liberament. L-Artikolu 20 u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiggarantixxu lir-rikorrenti trattament ugwali kif ukoll nondiskriminazzjoni.

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata r-rikorrenti hija eskluża milli tipparteċipa f’kummerċ fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-eżistenza ekonomika tar-rikorrenti qegħda f’riskju. Ir-rikorrenti tiddipendi fuq il-provvisti mis-settur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea.

Ma hemmx interess pubbliku fir-restrizzjoni tal-libertà tar-rikorrenti milli tipparteċipa f’kummerċ, tad-dritt ta’ proprjetà, tad-dritt għal trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni tagħha. B’mod partikolari, ma kienx hemm fatti li jiġġustifikaw b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tal-konvenut u l-impatt konsegwenti fuq id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti ma kinitx partikolarment involuta fil-proliferazzjoni ta’ attivitajiet nukleari sensittivi u/jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti li fuqhom id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata

Ir-rikorrenti ma hijiex involuta fil-proliferazzjoni ta’ attivitajiet nukleari sensittivi, il-kummerċ u/jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari jew sistema oħra tal-armi.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-konvenuta ma osservatx il-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-deċiżjoni tagħha. Ir-rikorrenti madankollu ma tistax teskludi l-possibbiltà li fornitur tal-enerġija li hija tipprovdilu trasformaturi biegħ dawn lill-Aġenzija Iranjana tal-Enerġija Atomika, bi ksur tal-kuntratt u mingħajr l-għarfien tagħha. L-Aġenzija Iranjana tal-Enerġija Atomika setgħet ukoll faċilment kisbet trasformaturi korrispondenti mis-suq dinji jew mis-suq tal-Unjoni Ewropea. It-trasformaturi b’vultaġġ medju inkwistjoni huma prodotti u kkummerċjalizzati, mad-dinja kollha, anki fl-Iran, mill-produtturi importanti kollha. Barra minn hekk, hemm kummerċ dinji estensiv ta’ trasformaturi użati, li għandhom karatteristiċi li jikkorrispondu ma’ dawk tat- trasformaturi prodotti mir-rikorrenti.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

Id-dikjarazzjoni ta’ raġunijiet stabbilita fil-punt 16 tal-Anness 1B tad-deċiżjoni kkontestata hija inkomprensibbli għar-rikorrenti u raġunijiet verifikabbli ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti mill-konvenut, bir-riżultat li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u ta’ protezzjoni ġuridika effettiva ġew miksura.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/10


Appell ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2011 minn Yvette Barthel et kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża F-59/10, Barthel et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja

(Kawża T-398/11 P)

2011/C 290/14

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Yvette Barthel (Arlon, il-Belġju), Marianne Reiffers (Olm, il-Lussemburgu), Lieven Massez (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J-N. Louis, É. Marchal, D. Abreu Caldas, avukati)

Appellata: Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-10 ta’ Mejju 2011, Barthel et vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża F-59/10), li jiċħad bħala inammissibbli r-rikors tal-appellanti;

tiddikjara r-rikors ammissibbli;

tibgħat lura l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex dan jiddeċiediha fil-mertu skont il-liġi;

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw żewġ aggravji.

(1)

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn, meta ċaħad bħala inammissibbli r-rikors tal-appellanti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-Artikolu 296 TFUE, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 7(1) tal-Anness I ta’ dan l-istatut, billi ma eżaminax kull ksur ta’ liġi allegat quddiemu u billi ma tax lill-appellanti l-opportunità li jsiru jafu r-raġunijiet għaliex ġew miċħuda l-motivi bbażati fuq l-illegalità tal-interpetazzjoni a contrario tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-konfront tal-Artikolu 91 tagħhom u fuq id-dritt li jitressaq ilment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju fit-terminu ta’ tliet xhur mid-data tan-notifika tagħha skont it-tieni inċiż ta’ din id-dispożizzjoni. Minħabba li naqas milli jwieġeb għall-motivi u għall-argumenti kollha mressqa mill-appellanti fir-rikorsi għal annullament tagħhom, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jimmotiva d-digriet tiegħu.

(2)

It-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li d-deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2009 li tiċħad it-talba tal-appellanti kienet tikkostitwixxi deċiżjoni purament konfermattiva ta’ nuqqas ta’ tweġiba li jammonta għal deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, u dan meta l-fatt li r-risposta saret b’mod tard kien ġustifikat mill-istennija ta’ opinjoni interna mitluba minn wieħed mid-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ teżamina jekk l-appellanti kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-allowance għal xogħol bix-shift skont l-Artikolu 56a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/11


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2011 — Turbo Compressor Manufacturer vs Il-Kunsill

(Kawża T-404/11)

2011/C 290/15

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Turbo Compressor Manufacturer (Teheran, Iran) (rappreżentanti: K. Kleinschmidt, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/299/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, sa fejn dan l-att jirrigwarda r-rikorrenti;

tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll li l-konvenut jissottometti d-dokumenti kollha relatati mad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

Id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Fundamentali”) ġew miksura. Fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dritt tal-libertà tal-intrapriża huwa rrikonoxxut kif ukoll l-Artikolu 17 jiggarantixxi d-dritt għal proprjetà fl-Unjoni Ewropea u li wieħed jiddisponi liberament. L-Artikolu 20 u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jiggarantixxu lir-rikorrenti trattament ugwali kif ukoll nondiskriminazzjoni.

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata r-rikorrenti hija eskluża milli tipparteċipa f’kummerċ fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-eżistenza ekonomika tar-rikorrenti qegħda f’riskju. Ir-rikorrenti tiddipendi fuq il-provvisti mis-settur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea.

Ma hemmx interess pubbliku fir-restrizzjoni tal-libertà tar-rikorrenti milli tipparteċipa f’kummerċ, tad-dritt ta’ proprjetà, tad-dritt għal trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni tagħha. B’mod partikolari, ma kienx hemm fatti li jiġġustifikaw b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tal-konvenut u l-impatt konsegwenti fuq id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti ma kinitx partikolarment involuta fil-proliferazzjoni ta’ attivitajiet nukleari sensittivi u/jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari.

Barra minn hekk hemm ukoll żball. Il-kumpanija SATAK imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex l-istess bħar-rikorrenti. Din hija kumpannija terza li hija barranija għar-rikorrenti. Ir-rikorrenti tispjega li hija kienet tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, fil-lista fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, biss minħabba f’konfużjoni ma’ kumpannija oħra li tikkontrolla lil “SATAK” jew kumpannija oħra simili.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti li fuqhom id-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata

Ir-rikorrenti ma hijiex involuta fil-proliferazzjoni ta’ attivitajiet nukleari sensittivi, il-kummerċ u/jew l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kunsinna ta’ armi nukleari jew sistema oħra ta’ armi.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-konvenut ma osservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-deċiżjoni tiegħu. Ir-rikorrenti tista’ biss tassumi, fuq il-bażi ta’ tfittxijiet li saru fuq l-internet tal-kliem prinċipali “SATAK” u “programm nukleari tal-Iran”, li l-kunsinna identifikata fil-punt 31 tal-Anness IB tad-Deċiżjoni 2011/299/PESK tinvolvi sitt tipi Sovjetiċi ta’ missili tal-ajru cruise KH-55(SM), li l-Iran allegatament kiseb mill-Ukraina fl-2001 jew fl-2002.

Ir-rikorrenti ma kellha l-ebda kummerċ mal-intrapriża pubblika tal-Ukraina UkrSpetzExport, u lanqas ma timporta tipi Sovjetiċi ta’ missili tal-ajru cruise KH-55(SM) jew armi oħra jew sistemi ta’ kunsinna ta’ armi.

Ir-rikorrenti ma hijiex il-kumpannija “SATAK” imsemmija fil-punt 31 tal-Anness 1B tad-deċiżjoni kkontestata.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

Id-dikjarazzjoni ta’ raġunijiet stabbilita fil-punt 31 tal-Anness 1B tad-deċiżjoni kkontestata hija inkomprensibbli għar-rikorrenti u raġunijiet verifikabbli ma ġewx ikkomunikati lir-rikorrenti mill-konvenut, bir-riżultat li d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u ta’ protezzjoni ġuridika effettiva ġew miksura.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/12


Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2011 — Ocean Capital Administration et vs Il-Kunsill

(Kawża T-420/11)

2011/C 290/16

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ocean Capital Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), First Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), First Ocean GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Second Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Second Ocean GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Third Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Third Ocean GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Fourth Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Fourth Ocean GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Fifth Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Fifth Ocean GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Sixth Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Sixth Ocean GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Seventh Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Seventh Ocean GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Eighth Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Eighth Ocean GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Ninth Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Ninth Ocean GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Tenth Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Tenth Ocean GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Eleventh Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Eleventh Ocean GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Twelfth Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Twelfth Ocean GmbH & Co. KG (Hamburg, il-Ġermanja), Thirteenth Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Fourteenth Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Fifteenth Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Sixteenth Ocean Administration GmbH (Hamburg, il-Ġermanja), Kerman Shipping Co. Ltd (Valletta, ir-Repubblika ta’ Malta), Woking Shipping Investments Ltd (Valletta, ir-Repubblika ta’ Malta), Shere Shipping Co. Ltd (Valletta, ir-Repubblika ta’ Malta), Tongham Shipping Co. Ltd (Valletta, ir-Repubblika ta’ Malta), Uppercourt Shipping Co. Ltd (Valletta, ir-Repubblika ta’ Malta), Vobster Shipping Co. Ltd (Valletta, ir-Repubblika ta’ Malta), Lancelin Shipping Co. Ltd (Limassol, ir-Repubblika ta’ Ċipru) (rappreżentanti: F. Randolph, Barrister, M. Lester, Barrister, u M. Taher, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannula r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 503/2011 tat-23 ta’ Mejju 2011 (1) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/299/PESK tat-23 ta’ Mejju 2011 (2) sa fejn il-miżuri li jinsabu fihom jikkonċernaw lir-rikorrenti;

tikkundannda lill-Kunsill għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut manifestament żbalja meta ddeċieda li r-rikorrenti jissodisfaw il-kriterji sabiex jiġu inklużi fil-lista, bħala:

l-uniku bażi li fuqu l-konvenut iddeċieda li jinkludi lir-rikorrenti huma allegazzjonijiet li huma “l-proprjetà” jew “ikkontrollati” mill-Islamic Republic of Iran Shipping Lines (“IRISL”) jew huma “sussidjarja” jew “kumpannija holding” tal-IRISL; u

il-konvenut naqas milli jwettaq (jew żbalja jekk għamel dan) evalwazzjoni każ b’każ tal-fatti li jirrigwardaw kull rikorrenti, sabiex jiġi stabbilit jekk hemm probabbiltà li kull waħda minnhom tista’ tiġi mħajra li tevita l-miżuri restrittivi kontra IRISL permezz ta’ influwenza li jingħad li l-IRISL għandha fuq kull rikorrenti.

(2)

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri kkontestati jiksru d-dritt tar-rikorrenti għal smigħ xieraq u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li:

tali miżuri ma jipprovdu l-ebda proċedura għal komunikazzjoni lir-rikorrenti tal-evidenza li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni li jiġu ffriżati l-attivi tagħhom, jew li ttihom il-possibbiltà li jikkumentaw b’mod effettiv fuq dik l-evidenza;

ir-raġunijiet mogħtija fil-miżuri kkontestati huma biss ġenerali u mhux sostnuti; u

il-konvenut ma tax informazzjoni suffiċjenti sabiex jagħmilha possibbli għar-rikorrenti li bħala risposta, effettivament jikkomunikaw l-opinjonijiet tagħhom.

(3)

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut naqas milli jipprovdi raġunijiet suffiċjenti għall-inklużjoni tagħhom fil-miżuri kkontestati, bi ksur tal-obbligu tagħha li tagħti dikjarazzjoni ċara tar-raġunijiet attwali u speċifiċi li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħha.

(4)

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-miżuri kkontestati jammontaw għal restrizzjoni mhux ġustifikata u sproporzjonata fuq id-dritt għal proprjetà tar-rikorrenti u l-libertà li jwettqu n-negozju tagħhom, peress li:

il-miżuri ta’ ffriżar ta’ attivi għandhom impatt li jħalli effett u fit-tul fuq id-drittijiet fundamentali tagħhom;

l-inklużjoni tar-rikorrenti ma hijiex konnessa b’mod razzjonali mal-għan tal-miżuri kkontestati, primarjament sabiex jiġi evitat li l-miżuri restrittivi jiġu evitati; u

il-konvenut ma wriex li ffriżar totali tal-attivi huwa l-mezz l-inqas oneruż sabiex jiżgura għan bħal dan, u lanqas li l-ħsara sinjifikattiva ħafna lir-rikorrenti hija ġustifikata u proporzjonata.


(1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 503/2011, tat-23 ta’ Mejju 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 136, p. 26)

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/299/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 136, p. 65)


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/13


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2011 — Computer Resources vs L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet

(Kawża T-422/11)

2011/C 290/17

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Computer Resources International (Dommeldange, il-Lussemburgu) (rappreżentant: S. Pappas, avukat)

Konvenuta: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea tat-22 ta’ Lulju 2011, li tiċħad l-offerti ppreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti Nru AO 10340 “Servizzi informatiċi — żvilupp ta’ softwer, manutenzjoni, konsulenza u assistenza għal tipi differenti ta’ applikazzjonijiet tat-teknoloġija tal-informatika” (ĠU 2011/SS 66-106099); u

tordna lill-konvenut iħallas l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

(1)

L-ewwel motiv jallega li l-konvenut injora rekwiżit formali essenzjali, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma fiha l-ebda raġunament f’dak li jirrigwarda l-motivi partikolari li l-awtorità kontraenti ħadet inkunsiderazzjoni meta kkonkludiet li l-offerta tar-rikorrenti kienet baxxa b’mod anormali.

(2)

It-tieni motiv jallega li l-konvenut kiser il-proċedura applikabbli, kif stabbilita fl-Artikolu 139 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (1).

(3)

It-tielet motiv jallega li l-konvenut għamel użu ħażin minn proċedura jew ħareġ id-deċiżjoni tiegħu mingħajr bażi legali xierqa jew tal-inqas żbalja f’dak li jirrigwarda r-raġunament tiegħu, peress li l-kjarifiki mogħtija mir-rikorrenti ma nftiehmux u baqgħu mhux imwieġba.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolamenti Finanzjaru li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/13


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2011 — Makhlouf vs Il-Kunsill

(Kawża T-432/11)

2011/C 290/18

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Rami Makhlouf (Damas, is-Sirja) (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors bħala amissibbli u fondat;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK, tad-9 ta’ Mejju 2011, kif ukoll l-atti ta’ implementazzjoni sussegwenti ta’ din id-deċiżjoni li jikkonfermaw l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta’ persuni previsti mill-miżuri restrittivi, kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta’ Mejju 2011, u l-atti ta’ implementazzjoni sussegwenti tiegħu, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previsti mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll mill-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn ir-rikorrent jakkuża lill-Kunsill li l-motivazzjoni li pprovda ma tissodisfax l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea previst mill-Artikolu 6 tal-KEDB, mill-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(3)

It-tielet motiv li jipprovdi li l-miżuri kkontestati jirristringu b’mod inġustifikat u sproporzjonat id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, u b’mod partikolari d-drittijiet tiegħu għal proprjetà, previsti mill-Artikolu 1 tal-ewwel protokoll addizzjonali tal-KEDB u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt tiegħu għar-rispett tal-unur u tar-reputazzjoni tiegħu previst mill-Artikoli 8 u 10 tal-KEDB u fl-aħħar tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza previst mill-Artikolu 6 tal-KEDB u mill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/14


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2011 — Makhlouf vs Il-Kunsill

(Kawża T-433/11)

2011/C 290/19

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Ehab Makhlouf (Damas, is-Sirja) (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli u fondat;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK, tad-9 ta’ Mejju 2011, kif ukoll l-atti ta’ implementazzjoni sussegwenti ta’ din id-deċiżjoni (u b’mod iktar partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/302/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li tipprevedi l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta’ persuni previsti mill-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2011/273/PESK, kif ukoll, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta’ Mejju 2011, u l-atti ta’ implementazzjoni sussegwenti tiegħu (jiġifieri r-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 504/2011 tat-23 ta’ Mejju 2011 u r-Rettifika tiegħu), sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previsti mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif ukoll mill-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn ir-rikorrent jakkuża lill-Kunsill li l-motivazzjoni li pprovda ma tissodisfax l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea previst mill-Artikolu 6 tal-KEDB, mill-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(3)

It-tielet motiv li jipprovdi li l-miżuri kkontestati jirrestringu b’mod inġustifikat u sproporzjonat id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, u b’mod partikolari d-drittijiet tiegħu għal proprjetà, previsti mill-Artikolu 1 tal-ewwel protokoll addizzjonali tal-KEDB u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt tiegħu għar-rispett tal-unur u tar-reputazzjoni tiegħu previst mill-Artikoli 8 u 10 tal-KEDB, il-libertà tal-intrapriża tiegħu u li jeżerċita l-kummerċ tiegħu previsti mill-Artikoli 15 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-aħħar il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza previst mill-Artikolu 6 tal-KEDB u mill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/14


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Awwissu 2011 — Afriqiyah Airways vs Il-Kunsill

(Kawża T-436/11)

2011/C 290/20

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Afriqiyah Airways (Tripoli, il-Libja) (rappreżentant: B. Sarfati, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/300/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li timplimenta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 136, 24.05.2011, p. 85), flimkien mal-Anness II tad-deċiżjoni msemmija;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-irregolarità tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-att. Ir-rikorrenti tinvoka l-assenza ta’ proċedura regolari fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK, tat-28 ta’ Frar 2011, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 58, p. 53) u ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni. Ir-rikorrenti takkuża lill-Kunsill talli pprovda motivazzjoni standardizzata li la tippermetti lid-destinatarju tad-deċiżjoni jifhem ir-raġunijiet wara l-adozzjoni tagħha u lanqas ma tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha dwar il-legalità tal-att. Motivazzjoni li tipprovdi li r-rikorrenti hija sussidjarja u proprjetà ta’ Libyan African Investment Portfolio, entità li hija wkoll ikkonċernata mill-miżuri restrittivi, ma hijiex motivazzjoni suffiċjenti.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn b’ebda mod ma huwa stabbilit li d-drittijiet tad-difiża ġew irrispettati u li r-rikorrenti ngħatat l-opportunità tinvoka d-drittijiet tagħha qabel ġiet inkluża fil-lista.

(4)

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 27 TUE. Ir-rikorrenti ssostni li d-Deċiżjoni 2011/137/PESK imsemmija fil-punt 2 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK, tat-23 ta’ Marzu 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2011/137/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 78, p. 24), ġew adottati bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1) TUE.

(5)

Il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn ir-rikorrenti hija kumpannija tal-ajru li tipprovdi servizzi ċivili li jinvolvu t-trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija, filwaqt li d-deċiżjoni kkontestata għandha l-effett li tiffriża l-assi tar-rikorrenti għas-sempliċi raġuni li hija l-proprjetà tal-Istat Libjan permezz ta’ fond ta’ investiment.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/15


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awissu 2011 — BelTechExport vs Il-Kunsill

(Kawża T-438/11)

2011/C 290/21

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: BelTechExport ZAO (Minsk, il-Bjelorussja) (rappreżentanti: V. Vaitkute Pavan, A. Smaliukas u E. Matulionyte, avukati)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (ĠU 2011, L 161, p. 1), sa fejn dan jikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/357/PESK, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (ĠU 2011, L 161, p. 25), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur, min-naħa tal-konvenut, tal-obbligu li jipprovdi motivazzjoni xierqa għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi ta’ persuni li fir-rigward tagħhom japplikaw il-miżuri restrittivi.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq previsti bl-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u bl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, sa fejn il-konvenuta:

fl-ebda ħin ma pprovdiet għall-komunikazzjoni tal-motivi ddettaljati għall-inklużjoni fil-listi ta’ persuni li huma s-suġġett tal-miżuri restrittivi; u

bl-ebda mod ma tagħat lir-rikorrenti l-possibbiltà li teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ u d-dritt li tibbenefika minn proċedura li tippermettilha li effettivament titlob it-tneħħija ta’ isimha mil-lista ta’ persuni u entitajiet ikkonċernati mill-miżuri restrittivi.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-konvenuta kkunsidrat li r-rikorrenti hija l-ikbar impriża li timporta/tesporta prodotti konnessi mad-difiża fil-Bjelorussja u li għalhekk din hija, b’mod jew b’ieħor, assoċjata jew marbuta mal-preġudizzji għar-regoli elettorali u għad-drittijiet tal-bniedem jew mar-repressjoni fir-rigward tas-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-preġudizzju li l-konvenuta kkawżat għad-dritt fundamentali ta’ proprjeta previst bl-Artikolu 17 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u bl-Artikoli 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b’mod inġustifikat u sproporzjonat, mingħajr provi determinanti.

(5)

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-preġudizzju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-konvenuta imponiet restrizzjoni sproporzjonata fuq id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, mingħajr ma pprovdiet il-garanziji proċedurali xierqa jew il-provi determinanti.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/15


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awissu 2011 — Sport-pari vs Il-Kunsill

(Kawża T-439/11)

2011/C 290/22

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Sport-pari ZAO (Minsk, Bjelarussja) (rappreżentanti: V. Vaitkute Pavan, A. Smaliukas u E. Matulionyte, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Bielorussja (ĠU L 161, pag. 1), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/357/PESK, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bielorussja (ĠU L 161, p. 25), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq bħala l-argument prinċipali tagħha l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li joskuraw il-miżuri kkontestati tal-Kunsill. B’mod partikolari, hija tallega li l-Kunsill ikkonkluda bi żball li r-rikorrenti hija (a) ikkontrollata minn Vladimir Peftiev; (b) operatriċi ta’ lotterija nazzjonali; (ċ) marbuta jew assoċjata mal-ksur tar-regoli tal-qasam elettorali u ta’ drittijiet umani jew mar-repressjoni tas-soċjetà ċivili fil-Bjelorussja jew mal-importazzjoni fil-Bjelorussja tal-apparat li jista’ jintuża għar-repressjoni interna.

Barra minn hekk, insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-konvenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni suffiċjenti għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-konvenut tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq ipprovduti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, billi:

il-konvenut fl-ebda ħin ma kkomunika r-raġunijiet fid-dettall għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi; u

ma tax lir-rikorrenti l-possibbiltà li teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża b’mod effikaċi, b’mod partikolari d-dritt li tinstema’ u d-dritt li tibbenefika minn proċedura li tippermettilha li titlob b’mod effettiv li titneħħa mil-listi ta’ persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-konvenut tad-dritt fundamentali tal-proprjetà pprovdut fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali b’mod inġustifikat u sproporzjonat u mingħajr ma pprovda provi konvinċenti,.

(4)

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur min-naħa tal-konvenut tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, inkwantu impona restrizzjoni sproporzjonata fuq id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti mingħajr ma pprovda garanziji proċedurali xierqa u provi konvinċenti.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/16


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awissu 2011 — BT Telecommunications vs Il-Kunsill

(Kawża T-440/11)

2011/C 290/23

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: BT Telecommunications PUE (Minsk, il-Bjelorussja) (rappreżentanti: V. Vaitkute Pavan, A. Smaliukas u E. Matulionyte, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (1), sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/357/PESK, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (2), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur mill-konvenut tal-obbligu li jipprovdi motivazzjoni adegwata għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi ta’ persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għad-difiża u tad-dritt għal smigħ ġust previsti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, sa fejn il-konvenut:

fl-ebda mument ma pprovda għall-komunikazzjoni ta’ motivi ddettaljati għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi; u

ma pprovdiex lir-rikorrenti bil-possibbiltà li teżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża tagħha, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ u d-dritt li tibbenefika minn proċedura li tippermettilha titlob effettivament li titneħħa minn fuq il-listi ta’ persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, billi fil-miżuri kkontestati l-konvenut qies li r-rikorrenti kienet b’xi mod assoċjata mar-reġim ta’ Lukashenko u li kienet qed tagħtih għajnuna finanzjarja, jew b’xi mod kienet qed tipparteċipa fil-ksur tal-istandards elettorali internazzjonali jew fir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew fl-importazzjoni fil-Bjelorussja ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur mill-konvenut tad-dritt fundamentali għall-proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b’mod inġustifikat u sproporzjonat mingħajr provi determinanti.

(5)

Il-ħames motiv ibbażat fuq ksur mill-konvenut tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn huwa impona restrizzjoni sproporzjonata fuq id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti mingħajr ma pprovda garanziji proċedurali xierqa jew provi determinanti.


(1)  ĠU L 161, p. 1.

(2)  ĠU L 161, p. 25.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/17


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2011 — Peftiev vs Il-Kunsill

(Kawża T-441/11)

2011/C 290/24

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Vladimir Peftiev (Minsk, il-Bjelorussja) (rappreżentanti: V. Vaitkute Pavan, A. Smaliukas u E. Matulionyte, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (ĠU L 161, p. 1), sa fejn jikkonċerna lir-rikorrent;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/357/PESL, tal-20 ta’ Ġunju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (ĠU L 161, p. 25), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut kiser l-obbligu li jipprovdi motivazzjoni adegwata għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut kiser id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal smigħ xieraq rikonoxxuti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, sa fejn:

f’ebda mument ma ppreveda l-komunikazzjoni ta’ raġunijiet dettaljati għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-listi ta’ persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi; u

ma pprovdiex lir-rikorrent il-possibbiltà li jeżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża tiegħu, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ u d-dritt li jkollu aċċess għal proċedura li permezz tagħha jkun jista’ effettivament jitlob li jitneħħa mil-listi ta’ persuni koperti mill-miżuri restrittivi.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kkonstata li r-rikorrent huwa persuna assoċjata mal-President Lukashenko u mal-familja tiegħu, li huwa l-konsulent ekonomiku prinċipali tal-president Lukashenko, li huwa wieħed mill-kontributuri finanzjarji ewlenin tar-reġim ta’ Lukashenko u li BelTechExport hija kumpannija ppreseduta mir-rikorrent u huwa l-ikbar kumpannija ta’ esportazzjoni/importazzjoni ta’ prodotti militari fil-Bjelorussja.

(4)

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut kiser id-dritt fundamentali għal proprjetà rikonoxxut fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u dan b’mod mhux ġustifikat, b’mod sproporzjonat u mingħajr provi konvinċenti.

(5)

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-konvenut kiser il-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn impona restrizzjoni sproporzjonata fuq id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent mingħajr ma pprovda garanziji proċedurali adegwati u mingħajr provi konvinċenti.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/17


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Awwissu 2011 — Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-442/11)

2011/C 290/25

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Korogiannakis u M. Dermitzakis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Mejju 2011, li ma tieħux azzjoni sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni wara li l-Ombudsman Ewropew wasal għall-konklużjoni li d-Deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni f’Novembru 2006, sabiex tagħżel il-prodotti u servizzi ta’ kumpannija terza, ma kinitx f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli dwar il-kuntratti pubbliċi;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas id-danni tar-rikorrenti sabiex tinnewtralizza l-impatt li hija sofriet minħabba d-deċiżjoni tagħha ta’ Novembru 2006;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti EUR 1 miljun għal telf ta’ opportunità li tipparteċipa fis-sejħa għal offerti li hija ddeċidiet li tikkanċella;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti EUR 1 miljun għal użu awtorizzat ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti l-ammont ta’ EUR 10 miljun għal telf mhux pekunjarju, li jikkonsisti f’li ġiet ippreġudikata r-reputazzjoni u l-kredibbiltà tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni toħroġ avviż pubbliku, li jinforma lis-suq u l-utenti kollha interessati f’CIRCA (għodda tal-IT li tagħmel possibbli l-kollaborazzjoni elettronika fost l-impjegati jew gruppi ta’ individwi li jinsabu f’postijiet differenti), li din ma hijiex pjattaforma li ma għadhiex tinuża, li l-pjattaforma żviluppata minn Alfresco Software Ltd. ma hijiex pjattaforma privileġġata u li l-utenti huma liberi li jgħażlu pjattaforma tal-għażla tagħhom bħala sostituta għal CIRCA; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u spejjeż oħra fir-rigward ta’ din l-applikazzjoni, anki jekk l-applikazzjoni preżenti hija miċħuda.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu li jirriżulta mill-Artikoli 27, 88, 89 u 91 tar-regolament finanzjarju (1), kif ukoll tal-Artikoli 116, 122 u 124 tar-regoli ta’ implementazzjoni (2), sabiex torganizza sejħa għal offerti miftuħa jew ristretta.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u trattament ugwali.

(3)

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-obbligu ta’ motivazzjoni.

(4)

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni għamlet użu ħażin tal-poteri tagħha.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/25, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74).

(2)  Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/18


Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2011 — Charron Inox u Almet vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-445/11)

2011/C 290/26

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Charron Inox (Marseille, Franza) u Almet (Satolas-et-Bonce, Franza) (rappreżentant: P. O. Koubi-Flotte, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċipalment, tiddikjara l-annullament tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 627/2011 tas-27 ta’ Ġunju 2011;

sussidjarjament, tikkonstata n-nuqqas tal-Kummissjoni li ma pprovdietx terminu suffiċjenti bejn il-pubblikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 627/2011 tas-27 ta’ Ġunju 2011 u d-dħul fis-seħħ tiegħu u tistabbilixxi bħala kumpens għad-danni favur il-kumpanniji rikorrenti l-ammonti li ġejjin:

fir-rigward tad-dannu:

għall-kumpannija CHARRON: EUR 123 297,69

għall-kumpannija ALMET: EUR 384 210

fir-rigward tat-telf ta’ dħul li jista’ jiġi kkumpensat:

għall-kumpannija CHARRON, fir-rigward tal-kuntratt stabbilit mal-kumpannija SURAJ, l-ammont ta’ USD 78 051,76, jew EUR 55 211,57,

għall-kumpannija ALMET, fir-rigward tal-kuntratt stabbilit mal-kumpannija SURAJ, l-ammont ta’ USD 69 059,18, jew EUR 48 827,61 sal-lum;

iktar sussidjarjament, tiddikjara r-responsabbiltà inkolpevoli tal-Kummissjoni li ma pprovdietx terminu suffiċjenti bejn il-pubblikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 627/2011 tas-27 ta’ Ġunju 2011 u d-dħul fis-seħħ tiegħu u tistabbilixxi bħala kumpens għad-danni favur il-kumpanniji rikorrenti l-ammonti li ġejjin:

fir-rigward tad-dannu:

għall-kumpannija CHARRON: EUR 123 297,69

għall-kumpannija ALMET: EUR 384 210

fir-rigward tat-telf ta’ dħul li jista’ jiġi kkumpensat:

għall-kumpannija CHARRON, fir-rigward al-kuntratt stabbilit mal-kumpannija SURAJ, l-ammont ta’ USD 78 051,76, jew EUR 55 211,57,

għall-kumpannija ALMET, fir-rigward tal-kuntratt stabbilit mal-kumpannija SURAJ, is-somma ta’ USD 69 059,18, jew EUR 48 827,61 sal-lum;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż u kif ukoll għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 10 000 bħala kumpens għall-ispejjeż tad-difiża tal-kumpanniji rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

(1)

L-ewwel motiv ibbażat fuq insuffiċjenzi gravi tal-konstatazzjonijiet li l-Kummissjoni għamlet qabel ma tat id-deċiżjoni tagħha inkwantu dawn l-insuffiċjenzi rrendew il-fatti stabbiliti ineżatti.

(2)

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi, inkwantu d-dħul fis-seħħ immedjat tar-regolament ikkontestat ma ppermettiex lir-rikorrenti jadattaw il-prattiki tagħhom.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/19


Appell ippreżentat fil-11 ta’ Awwissu 2011 mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tas-26 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża F-83/09 — Kalmár vs Europol

(Kawża T-455/11 P)

2011/C 290/27

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Appellant: Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) (rappreżentanti: D. Neumann, D. El Khoury u J. Arnould, aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck u E. Antypas)

Appellat: Andreas Kalmár (Den Haag, Il-Pajjiżi l-Baxxi)

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata u tiddeċiedi l-mertu sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

(a)

annulla d-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2009 li permezz tagħha d-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) xolja l-kuntratt għal żmien determinat ta’ A. Kalmár, id-deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2009 li permezz tagħha d-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija llibera lill-parti kkonċernata mill-obbligu li taħdem iż-żmien ta’ preavviż u kif ukoll id-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2009 li ċaħdet l-ilment tal-parti kkonċernata;

(b)

kkundanna lill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għall-ħlas tad-danni sostnuti minn A. Kalmár fl-ammont ta’ EUR 5 000; u

(ċ)

kkundanna lill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għall-ispejjeż tiegħu stess u kif ukoll għal dawk sostenuti minn A. Kalmár;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż kollha tal-kawża kemm dawk sostnuti fl-ewwel istanza u kif ukoll dawk sostnuti fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka sitt aggravji.

(1)

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li ma jiddeċidix ultra petita u fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża. Skont l-appellant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq l-eżami tiegħu fuq il-bażi ta’ allegazzjonijiet li huma differenti minn dawk imressqa mill-appellat.

(2)

It-tieni aggravju, ibbażat fuq opinjoni legali żbaljata fl-evalwazzjoni tal-leġittimità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika b’mod żbaljat, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ viġilanza u l-obbligu ta’ motivazzjoni.

(3)

It-tielet aggravju, ibbażat fuq opinjoni legali żbaljata tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar is-suġġett tat-talba intiża għall-annullament. Skont l-appellant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jikklassifika d-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2009 bħala deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata u li hija wkoll suġġetta għall-istħarriġ ġudizzjarju.

(4)

Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq diversi żbalji fis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku dwar il-punt li l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija “bl-ebda mod” ma ħa inkunsiderazzjoni l-“fatti rilevanti u li ma jistgħux jiġu injorati” fid-deċiżjoni li l-parti kkonċernata tiġi lliberata mill-obbligu tal-preavviż jew għamel dan “mingħajr l-attenzjoni meħtieġa”.

(5)

Il-ħames aggravju, ibbażat fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata.

(6)

Is-sitt aggravju, ibbażat fuq il-konstatazzjoni żbaljata ta’ kumpens għad-danni.


It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/20


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2011 — ZZ et vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-72/11)

2011/C 290/28

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: ZZ et (rappreżentanti: L. Levi u A. Blot, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ iffissar tal-limiti ta’ promozzjoni għall-proċeduri ta’ promozzjoni 2010 u 2011 għall-gradi AD13 u AD14 u, min-naħa l-oħra, l-annullament tal-lista ta’ uffiċjali promossi għall-gradi AD13 u AD14 għall-proċedura ta’ promozzjoni 2010 u l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tirrifjuta milli tippromwovi numru ikbar ta’ uffiċjali oħra għall-gradi AD12 jew AD13.

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-deċiżjonijiet ta’ iffissar tal-limiti ta’ promozzjoni għall-proċeduri ta’ promozzjoni 2010 u 2011 għall-gradi AD13 u AD14, deċiżjonijiet ippubblikati fl-informazzjoni amministrattiva Nru 3-2010, 65-2010 u 76-2010;

tannulla l-lista ta’ uffiċjali promossi għall-gradi AD13 u AD14 għall-proċedura ta’ promozzjoni 2010 ippubblikata fl-informazzjoni amministrattiva Nru 65-2010 sa fejn din il-lista ġiet stabbilita fuq il-bażi tal-limiti ta’ promozzjoni illegali u tannulla d-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tippromwovi numru ikbar ta’ uffiċjali oħra għall-gradi AD12 jew AD13;

jekk ikun meħtieġ, tannulla d-deċiżjonijiet li jiċħdu l-ilment tar-rikorrenti;

tikkundanna lil Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.


1.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 290/20


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2011 — ZZ vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-74/11)

2011/C 290/29

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentanti: S. Rodriguez, A. Blot and C. Bernard-Glanz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità awtorizzata li tikkonkludi kuntratti tal-Kummissjoni, li ttemm il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat tar-rikorrent.

Talbiet tar-rikorrent

Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal jogħġbu:

jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità awtorizzata li tikkonkludi kuntratti tal-Kummissjoni, li ttemm il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat tiegħu u, sa fejn huwa neċessarju, jannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.