ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.259.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 259

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
2 ta' Settembru 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

Il-91 sessjoni plenarja tat-30 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Lulju 2011

2011/C 259/01

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE

1

2011/C 259/02

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport

6

2011/C 259/03

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-promozzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli tal-ilma

13

2011/C 259/04

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni

19

2011/C 259/05

Opinjoni ta’ Prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Baġit futur tal-UE u l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-politiki ġenerali

26

2011/C 259/06

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ħarsien u l-iżvilupp tal-minoranzi lingwistiċi storiċi fil-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona

31

2011/C 259/07

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi

34

2011/C 259/08

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali

40

2011/C 259/09

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara

48

2011/C 259/10

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Programm tal-UE LIFE – Prospetti Futuri

54

2011/C 259/11

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011

62

2011/C 259/12

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE

70

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Il-91 sessjoni plenarja tat-30 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Lulju 2011

2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/1


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-bidla ta’ Sfidi f’Opportunitajiet: Lejn Qafas Strateġiku Komuni għall-finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE”

2011/C 259/01

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iqis li huwa kruċjali li, minn naħa jiżdied il-baġit Komunitarju għar-riċerka u, min-naħa l-oħra, li jiġu allinjati aħjar il-programmi nazzjonali u l-Programm Qafas tar-Riċerka;

jistqarr li l-innovazzjoni industrijali, soċjali u ambjentali, flimkien mal-innovazzjoni fis-servizzi, huma lieva importanti biex tinħoloq dinamika kompetittiva Ewropea għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali;

jirrikonoxxi li l-punti ta’ tluq ivarjaw ħafna fil-kuntest tal-innovazzjoni fl-Ewropa u li l-politiki reġjonali, fejn ikunu komplementari, jistgħu jikkontribwixxu għall-politika ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea bl-ispeċifiċitajiet tagħhom, b'mod koerenti mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni reġjonali intelliġenti;

jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri, bħall-pubblikazzjoni u l-aġġornament ta’ Gwida Prattika li tiddeskrivi l-possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea;

jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti sew fit-tħejjija tal-oqfsa legali u l-programmi ta’ finanzjament marbuta mal-akkwist pubbliku;

jitlob li l-atturi lokali u reġjonali jiġu involuti b'mod utli fil-pjattaformi teknoloġiċi;

jinnota r-rwol potenzjali tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazjoni Territorjali (REKT);

itenni li l-kooperazzjoni Komunitarja bejn il-clusters hija assolutament neċessarja, iżda għandha titħeġġeġ ukoll il-kollaborazzjoni bejn il-clusters fil-livell internazzjonali.

Relatur

Claude GEWERC (FR/PSE), President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Picardie

Dokument ta’ referenza

Green Paper: Il-bidla ta’ sfidi f'opportunitajiet: lejn qafas strateġiku komuni għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE

COM(2011) 48 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.   Messaġġi ewlenin

1.

bi pjaċir jinnota li din il-Green Paper nediet dibattitu pubbliku dwar il-messaġġi ewlenin li għandhom jitqiesu għall-programmi futuri tal-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE;

2.

jammetti li dan il-qafas strateġiku komuni għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-UE għandu jkun ibbażat fuq għanijiet strateġiċi koerenti u maqsuma b'mod ċar fost il-partijiet kollha interessati;

3.

jirrakkomanda li dan il-qafas komuni jiffoka fuq ir-relazzjonijiet bejn il-livelli differenti ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni mingħajr ma jċajpar l-ispeċifiċitajiet ta’ kull waħda minn dawn il-funzjonijiet;

4.

jenfasizza l-fatt li strateġija ta’ innovazzjoni ambizzjuża fl-Unjoni Ewropea teħtieġ bażi xjentifika qawwija iżda anke politika industrijali soda; f'dan il-kuntest jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni dwar “Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni” u “Unjoni tal-Innovazzjoni” u f'dan il-kuntest jagħmel referenza għall-opinjonijiet rilevanti tal-KtR (1);

5.

jisħaq li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom il-kapaċitajiet biex joħolqu s-sinerġiji bejn il-politiki tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-politiki ta’ koeżjoni b'impatt fuq l-attivitajiet ekonomiċi, industrijali u anke fuq il-prattiki soċjali;

6.

jenfasizza l-fatt li bħalissa r-riżultati tal-isforzi ta’ riċerka Ewropej mhumiex qed jiġu applikati malajr biżżejjed u b'mod wiesa' biżżejjed. Il-Kummissjoni għandha tbiddel il-linji gwida u r-regoli sabiex ir-reġjuni jkunu jistgħu jużaw il-Fondi Strutturali u strumenti finanzjarji oħra ferm iktar minn issa bil-għan li ssir applikazzjoni innovattiva tar-riżultati tal-Programm Qafas permezz ta’ approċċ deċentralizzat li jagħti rwol akbar lir-reġjuni u li jwassal biex jiġu valorizzati u kummerċjalizzati aktar it-teknoloġiji tal-Programm Qafas, u ta’ attivitajiet oħra ta’ riċerka;

7.

ifakkar fl-importanza tal-innovazzjonijiet soċjali u ambjentali kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat;

8.

jenfasizza l-importanza li jiġi integrat u mħeġġeġ il-kunċett tal-innovazzjoni fil-ħajja ta’ kuljum, pereżempju fis-sistema edukattiva u fid-dinja tax-xogħol;

9.

jagħmel enfasi fuq il-programmi tar-riċerka u l-innovazzjoni maqsuma bejn ir-reġjuni bi “prestazzjonijiet fl-innovazzjoni” differenti, li minnhom igawdu l-partijiet kollha interessati. Dan ifisser, pereżempju, żieda fil-preżenza reġjonali fl-ERA-net;

10.

jisħaq li l-baġit Komunitarju għar-riċerka, ta’ 4 % biss tar-riċerka finanzjata pubblikament fl-Ewropa, mhuwiex adegwat; iqis li huwa kruċjali li, minn naħa jiżdied il-baġit Komunitarju għar-riċerka u, min-naħa l-oħra, li jiġu allinjati aħjar il-programmi nazzjonali u l-Programm Qafas tar-Riċerka Ewropea;

11.

b'mod partikolari, jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għas-sitwazzjoni li jiffaċċjaw l-innovaturi u l-inventuri individwali li ma joperawx fi ħdan is-sistema universitarja, f'kumpaniji kbar jew awtoritajiet pubbliċi, f'amministrazzjonijiet jew intrapriżi. Ix-xogħol li għaddej attwalment f'dan il-qasam għandu jinkludi strateġiji li jipprovdu l-innovaturi u l-inventuri bl-appoġġ u l-opportunitajiet neċessarji biex japprofittaw mill-finanzjament konġunt tal-UE taħt l-istess kundizzjonijiet;

12.

jitlob li tingħata kunsiderazzjoni adegwata lill-fatt li 97 % tal-attività ekonomika fl-UE 27 għadha ta’ livell baxx u medju fl-użu tat-teknoloġija; għalhekk jemmen li l-iżvilupp ta’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien ma jistax jiffoka biss fuq l-iżvilupp tal-aħħar teknoloġiji iżda li għandu jkun hemm rwol għal mudell ta’ innovazzjoni li jwassal biex l-għarfien jiġi assorbit u ċirkulat; jenfasizza l-opportunità li tinħoloq mir-reviżjoni tad-direttiva dwar l-akkwist pubbliku (2); jiffoka fuq l-opportunitajiet u l-isfidi assoċjati mal-inklużjoni tar-riċerka u l-iżvilupp fl-akkwist pubbliku (3);

13.

jinnota li l-Green Paper kif inhi bħalissa tidher li ma tqajjem l-ebda kwistjoni dwar il-konformità tagħha mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; madankollu, jenfasizza li huwa importanti li jiġu segwiti mill-qrib l-iżviluppi li jwasslu għall-finanzjament u l-leġislazzjoni ta’ riċerka u innovazzjoni futura tal-UE, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

14.

barra minn hekk, jinnota li r-rekwiżit propost fl-Unjoni ta’ Innovazzjoni biex l-Istati Membri u r-reġjuni jiddedikaw baġits għall-akkwist pubbliku relatat mal-innovazzjoni jista' jkollu impatti mifruxa fuq il-muniċipalitajiet u r-reġjuni; jenfasizza li s-segwitu mistenni jrid jinkludi analiżi bir-reqqa tal-piż finanzjarju u amministrattiv li jista' jinħoloq għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll tal-effetti soċjali u benefiċċji oħrajn.

15.

jemmen li għandha tiġi appoġġjata t-tnedija ta’ sejħiet għall-offerti b'żewġ fażijiet, b'tali mod li fl-ewwel fażi l-applikanti jkollhom biss jippreżentaw il-lista ta’ msieħba u l-idea tal-proġett tagħhom, liema proġett imbagħad jiġi żviluppat fid-dettall biss jekk jgħaddi mill-ewwel evalwazzjoni. Dan huwa partikolarment importanti għall-SMEs, li b'dan il-mod ikollhom iktar inċentiv iwieġbu għal dawn is-sejħiet billi l-isforz inizjali ma jkunx daqshekk kbir;

B.   Is-sinerġiji bejn il-politiki ta’ koeżjoni u tal-innovazzjoni

16.

jistqarr li l-innovazzjoni industrijali, soċjali u ambjentali, flimkien mal-innovazzjoni fis-servizzi, huma lieva importanti biex tinħoloq dinamika kompetittiva Ewropea għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali;

17.

iqis li hemm bżonn li l-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni jitqiegħed fil-qafas tal-objettivi politiċi tal-Unjoni Ewropea iktar ġenerali, pereżempju bl-implimentazzjoni ta’ politika industrijali ppreżentata mill-Kumitat tar-Reġjuni fl-Opinjoni tiegħu dwar l-inizjattiva ewlenija dwar il-politika industrijali;

18.

jipproponi li l-awtoritajiet reġjonali jiġu rikonoxxuti bħala livell privileġġat ta’ komunikazzjoni bejn l-istrateġiji tal-programmi nazzjonali u Ewropej tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-koeżjoni. Din il-komunikazzjoni tista' tiġi indirizzata f'dokument uniku fil-livell reġjonali;

19.

jirrikonoxxi li l-punti ta’ tluq ivarjaw ħafna fil-kuntest tal-innovazzjoni fl-Ewropa u li l-politiki reġjonali, fejn ikunu komplementari, jistgħu jikkontribwixxu għall-politika ta’ riċerka tal-Unjoni Ewropea bl-ispeċifiċitajiet tagħhom, b'mod koerenti mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni reġjonali intelliġenti;

20.

bħalma sar għall-programmi qafas tar-riċerka preċedenti, ir-riċerka fil-qasam tal-kooperazzjoni, fuq kollox proġetti ta’ riċerka kollaborattivi, għandha tkun prijorità għal appoġġ Ewropew għar-riċerka fil-ġejjieni. Għandu jingħata mill-inqas l-istess ammont ta’ riżorsi li ngħata s'issa. Il-proġetti kollaborattivi jagħtu lill-universitajiet, lill-istituti ta’ riċerka u lill-intrapriżi fir-reġjuni kollha tal-Ewropa l-opportunità li jipparteċipaw fil-programmi. Barra minn hekk, jippermettu li jkun hemm it-trasparenza neċessarja kif ukoll semplifikazzjoni li tibbenefika lill-utenti;

21.

jenfasizza li l-ħolqien ta’ sinerġija bejn l-istrumenti differenti ta’ finanzjament għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa sfida ġenwina għall-Kummissjoni u r-reġjuni. Ir-riżultati tal-isforzi ta’ riċerka Ewropej mhumiex applikati malajr biżżejjed jew fuq firxa wiesgħa biżżejjed. Il-Kummissjoni għandha tibdel ir-regoli u l-kriterji għall-istrumenti ta’ finanzjament għall-koeżjoni biex ir-reġjuni jkunu jistgħu jużaw ir-riżultati tal-Programm Qafas u ta’ attivitajiet oħra ta’ riċerka biex jimplimentaw applikazzjonijiet innovattivi fil-livell reġjonali;

22.

ifakkar li l-Programm Qafas li jmiss għandu jestendi l-programmi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet reġjonali u jiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali li jkollhom attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp komplementari. Dan jista' jsir, pereżempju, billi jiddaħħlu kriterji li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ msieħba kompetenti minn reġjuni li għadhom lura fir-riċerka fi proġetti u programmi ġestiti minn xjenzati iktar magħrufa u rikonoxxuti, bħalma huwa stipulat fl-Opinjoni tal-KtR dwar is-Semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka  (4);

23.

jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi għas-semplifikazzjoni tal-proċeduri, bħall-pubblikazzjoni u l-aġġornament ta’ Gwida Prattika li tiddeskrivi l-possibbiltajiet ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea;

C.   Id-dimensjoni reġjonali tal-clusters (ċentri ta’ kompetittività, raggruppamenti, eċċ.)

24.

jistqarr li l-clusters dejjem ikollhom dimensjoni territorjali;

25.

ifakkar li għalkemm l-eċċellenza hija waħda mill-karatteristiċi tal-clusters, mhux kull cluster tinsab fi stat li tilħaq l-istess livell ta’ żvilupp jew viżibbiltà internazzjonali. Il-clusters jeħtieġu livell xjentifiku ta’ livell għoli ħafna iżda dan mhuwiex biżżejjed biex tintlaħaq l-eċċellenza. L-eċċellenza ta’ cluster tinħoloq b'mod progressiv, tul iż-żmien b'riżorsi finanzjarji speċifiċi, struttura tajba, governanza tajba u l-iżvilupp ta’ “ekosistema” li tassoċja l-intrapriżi, l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

26.

jinnota li huwa possibbli li nittraxxendu l-kontradizzjoni bejn ir-rieda ta’ ħafna clusters li jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorji tagħhom u l-possibbiltajiet konsiderevoli offruti mill-iskambju tal-informazzjoni jew tal-aħjar prattiki mal-clusters ġirien fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, huwa possibbli li cluster ankrata ħafna f'territorju jista' jkollha viżibbiltà u vokazzjoni dinjija;

27.

jenfasizza l-fatt li, flimkien maċ-ċentri ta’ innovazzjoni bbażati fuq il-clusters, u f'ċerti aspetti anke iktar importanti minn dawn, f'dawn l-aħħar snin feġġ il-bżonn li wieħed jifhem il-mod kif jaħdmu l-ekosistemi reġjonali tal-innovazzjoni u li jinħolqu l-kundizzjonijiet ideali għal żvilupp fid-direzzjoni l-mixtieqa. Għalhekk il-Kummissjoni għandha talloka appoġġ ekonomiku u operattiv partikolari għall-iżvilupp ta’ attività miftuħa ta’ innovazzjoni fir-reġjuni sabiex dawn ikunu jistgħu jgħinu biex jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-attività intraprenditorjali mmirata lejn it-tkabbir u l-impjiegi l-ġodda;

28.

il-kunċett tas-swieq avvanzati u l-iżvilupp tagħhom huwa eżempju konkret ta’ ekosistemi reġjonali. Ġie nnotat li s-swieq avvanzati huma relatati mill-qrib mal-għarfien espert fil-prattika lokali u r-riġenerazzjoni indipendenti interattiva tagħhom. F'opinjonijiet preċedenti (CdR 11/2009 u CdR 83/2007), il-Kumitat tar-Reġjuni ġibed l-attenzjoni għall-bżonn li jinkiseb bilanċ bejn il-finanzjament kompetittiv, li huwa dak li jirrappreżenta l-finanzjament tal-inizjattivi ewlenin il-kbar tal-UE, u l-finanzjament istituzzjonali għall-komunitajiet tar-riċerka. Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza l-importanza tal-finanzjament istituzzjonali, li jippermetti lill-komunitajiet ta’ riċerka jistabbilixxu studji fuq inizjattiva proprja u fuq talba ta’ komunitajiet oħra, b'mod partikolari fl-interess tal-konverġenza u l-koeżjoni;

D.   Ir-riforma tal-akkwist pubbliku

29.

itenni l-konvinzjoni tiegħu li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) tista' tissaħħaħ jekk l-akkwist pubbliku tas-servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp jiġi inkorporat fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku; jagħmel referenza għall-Opinjoni tal-KtR dwar “Il-Green Paper dwar l-akkwist pubbliku” (5) u l-Opinjoni dwar “L-awwkist pubbliku prekummerċjali” (6) sakemm dan ma jwassalx li dawn is-servizzi jkunu esposti għall-kompetizzjoni;

30.

jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti sew fit-tħejjija tal-oqfsa legali u l-programmi ta’ finanzjament marbuta mal-akkwist pubbliku;

31.

ifakkar fl-appoġġ tiegħu għal impenn attiv tal-kumpaniji u l-gvernijiet fil-pjani tal-finanzjament tal-innovazzjoni, u x-xettiċiżmu tiegħu dwar l-impatt potenzjali fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ sistema fejn is-settur pubbliku biss jieħu r-riskju għall-prodotti u s-servizzi mhux ikkonfermati;

32.

jinnota li s-“suq” tal-akkwist pubbliku jinsab frammentat u ma tantx jista' jitqies bħala wieħed transkonfinali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw qafas iktar trasparenti li jkun jista' jiftaħ is-swieq pubbliċi fl-Unjoni Ewropea;

33.

jistqarr li l-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi gwida ċara u dettaljata, anke għall-opportunitajiet ta’ taħriġ, biex tissieħeb mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-akkwist pubbliku.

E.   L-implikazzjonijiet reġjonali tal-miżuri ta’ finanzjament

34.

jagħraf li l-finanzjament taċ-ċiklu sħiħ tal-innovazzjoni u r-riċerka fis-suq jeħtieġ firxa wiesgħa ta’ strumenti; għalhekk jappoġġja l-isforzi biex jitħeġġeġ il-finanzjament tas-settur privat, pereżempju, permezz tal-pjani tat-tqassim tar-riskju, tas-self jew tal-“kapital ta’ riskju”;

35.

japprova r-rwol tal-finanzjament pubbliku bħala xprun għall-investimenti privati u jenfasizza li ġestjoni tar-riskju soda u ġestjoni trasparenti huma essenzjali meta jkunu involuti l-fondi pubbliċi u privati;

36.

jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi għall-istimolu tal-finanzjament mis-settur privat għall-investiment fl-innovazzjonijiet tal-SMEs u f'dan il-kuntest jappella biex jiġu promossi miżuri ta’ inċentiv (sistema fiskali, tnaqqis fl-obbligi amministrattivi) u jekk hemm bżonn jiġu riveduti l-oqfsa regolamentari biex tissaħħaħ u tiġi estiża l-firxa ta’ miżuri għall-appoġġ u r-rikonoxximent tar-rwol tal-SMEs bħala atturi prominenti fil-promozzjoni tal-kultura ta’ innovazzjoni; f'dan ir-rigward jinsisti wkoll fuq il-bżonn li jissaħħu l-istrumenti tal-medjazzjoni bejn l-SMEs u l-atturi tar-riċerka u l-iżvilupp;

37.

jitlob li l-atturi lokali u reġjonali jiġu involuti b'mod utli fil-pjattaformi teknoloġiċi, biex jitfasslu strateġiji ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni biex jinħolqu pjattaformi teknoloġiċi ġodda u għall-iżvilupp tal-pjattaformi diġà attivi, l-ewwel nett fil-bżonnijiet tal-atturi reġjonali, filwaqt li jitqiesu l-opportunitajiet tas-swieq dinjija u l-parteċipazzjoni tal-SMEs;

F.   Il-kooperazzjoni lil hinn mill-fruntieri

38.

jagħraf il-kontribut uniku tal-Programm Qafas tar-Riċerka għar-riċerki kollaborattivi bejn l-atturi tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

39.

jenfasizza l-importanza tal-kodiċi legali Komunitarji (pereżempju, għall-kapital ta’ riskju u l-infrastrutturi tar-riċerka); għalhekk jinnota r-rwol potenzjali tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazjoni Territorjali (REKT);

40.

itenni li l-kooperazzjoni Komunitarja bejn il-clusters hija assolutament neċessarja, iżda għandha titħeġġeġ ukoll il-kollaborazzjoni bejn il-clusters fil-livell internazzjonali.

G.   Kuntest ġenerali

41.

L-Istrateġija UE2020, l-iktar permezz tal-inizjattivi ewlenin “Unjoni għall-innovazzjoni” u “Politika industrijali”, tagħraf ir-rwol kruċjali tar-riċerka u l-innovazzjoni biex tittejjeb il-kompetittivtà tal-Unjoni Ewropea u tpoġġi fuq quddiem l-importanza ta’ integrazzjoni iktar viżibbli tal-innovazzjoni fil-politika. Bl-istess mod, hija tagħti lill-bliet u r-reġjuni Ewropej pożizzjoni kruċjali fl-implimentazzjoni tagħha. F'dan ir-rigward, il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jappoġġja dan ir-rwol u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka dwar it-territorji sakemm il-bliet u r-reġjuni jiffinanzjaw il-programmi ta’ riċerka, jieħdu sehem fil-proġetti Ewropej tar-riċerka u jappoġġjaw b'mod attiv il-parteċipazzjoni tal-atturi reġjonali fil-proġetti Ewropej tar-riċerka.

42.

Il-Kumitat tar-Reġjuni bi pjaċir jilqa' ż-żieda fil-finanzjament bejn is-6 (2000-2006) u s-7 (2007-2013) Programm Qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp kif ukoll il-ħolqien ta’ Kunsill Ewropew tar-Riċerka. Barra minn hekk, il-Kumitat jilqa' l-inizjattivi Ewropej li jippromovu l-iskambju u l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u l-atturi akkademiċi, xjentifiċi u ekonomiċi, l-iktar fil-qafas tal-partita baġitarja “Ir-reġjuni u l-għarfien” tat-taqsima “Cofund” tal-programm speċifiku “Kapaċitajiet” u tal-mekkaniżmi bħan-netwerks tal-eċċellenza u l-ERA-nets.

43.

Il-Kumitat tar-Reġjuni bi pjaċir jantiċipa wkoll l-analiżi mistennija dwar l-impatt tal-programmi tar-“Reġjuni tal-Għarfien” u tal-“Potenzjal tar-Riċerka”. Hekk kif dawn il-programmi jimmaturaw u jiżviluppaw objettivi iktar ċari, il-KtR jappella biex jissaħħaħ ir-rwol tagħhom fl-għoti tal-appoġġ lir-reġjuni kompetenti ħafna bil-potenzjal li jiżviluppaw karatteristiċi eċċellenti, pereżempju permezz ta’ mentoring (7), sħubijiet jew skemi oħra.

44.

Fir-rigward tal-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), il-Kumitat tar-Reġjuni jirrikonoxxi l-pożizzjoni li ngħatat lill-clusters reġjonali u l-inizjattivi għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġiji rinnovabbli u l-innovazzjonijiet ekoloġiċi. F'dan kuntest, il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda li dawn l-inizjattivi jiġu segwiti fil-ġejjieni b'rabta mal-isfidi qed tiffaċċja jew ser tiffaċċja l-Unjoni Ewropea.

Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 374/2010 fin u CdR 373/2010.

(2)  CdR 70/2011 fin.

(3)  CoR 58/2008 fin.

(4)  CdR 230/2010 fin.

(5)  CdR 70/2011 fin.

(6)  CdR 58/2008 fin.

(7)  CdR 230/2010 fin.


2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/6


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport”

2011/C 259/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iqis li l-għanijiet tal-White Paper għandhom ikunu għanijiet fuq perjodu ta’ żmien iqsar biex il-politiċi responsabbli jingħataw qafas ta’ indikazzjonijiet ċari dwar l-azzjonijiet li għandhom iwettqu tul il-mandat tagħhom;

jappella għall-internalizzazzjoni totali tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha ta’ trasport, permezz ta’ tassazzjoni armonizzata li d-dħul minnha jmur lejn it-twaqqif ta’ sistema ta’ trasport integrata u effiċjenti;

jenfasizza li l-għanijiet tal-White Paper fir-rigward ta’ bidla modali mit-trasport bit-triq għal dak bil-ferrovija, ix-xmajjar u l-baħar mhumiex biżżejjed, u jappella lill-Kummissjoni tipproponi programm aktar ambizzjuż;

huwa favur l-idea ta’ “Ċinturin Blu” bħala l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ sistema solida ta’ servizzi marittimi, li għandu jkun kompletat bit-tnedija mill-ġdid tal-awtostradi tal-baħar, u jiddispjaċih li l-White Paper tal-2011 hija inqas ambizzjuża minn dik tal-2001 fil-qasam tat-trasport marittimu;

jirrakkomanda miżuri ta’ inċentiv għat-tħejjija ta’ Pjani ta’ Mobilità Urbana sostenibbli, u jitlob li r-rabta bejn il-politika tat-trasport u l-ippjanar tal-art jiġu kkunsidrati aħjar;

jaqbel mal-idea ta’ Eurobonds sabiex jiġu finanzjati l-infrastrutturi tat-trasport neċessarji għat-twettiq tat-TEN-T;

jinnota li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, it-tneħħija tad-distorsjonijiet fiskali u tas-sussidji mhux ġustifikati kif ukoll il-kompetizzjoni ħielsa u bla xkiel għandhom ikunu parti mill-mudell Ewropew futur tat-trasport sabiex l-għażliet tas-suq jiġu allinjati mal-bżonnijiet tal-iżvilupp sostenibbli;

Relatur

Is-Sur António COSTA (PT/PSE), Sindku ta’ Lisbona

Dokument ta’ referenza

White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti

COM(2011) 144 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

iqis li l-White Paper tal-2011 “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” tindirizza l-kwistjonijiet kruċjali ewlenin għall-ġejjieni tal-politika Ewropea tat-trasport u tas-sistemi ta’ trasport tal-kontinent. Dwar dan, il-Kumitat jemmen li l-politika tat-trasport proposta għandha tintegra l-miri aktar ġenerali stabbiliti fl-Unjoni Ewropea taħt l-Istrateġija UE 2020 u l-miri tas-sostenibbiltà ambjentali mfassla l-aktar biex jingħeleb it-tibdil fil-klima, u għandha wkoll tippromwovi it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u territorjali f’Unjoni Ewropea globali;

2.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet kbar fil-politika tat-trasport. Huma mhux biss jaqsmu r-responsabbiltà fil-kwistjonijiet bħall-manutenzjoni tan-netwerk tat-toroq, il-politika dwar il-parkeġġ, l-aċċessibbiltà u t-trasport pubbliku, iżda jħarsu ukoll ir-rispett tal-istandards ambjentali, bħall-kwalità tal-arja. Għalhekk huwa indispensabbli li jkunu involuti permezz tal-governanza f’diversi livelli;

3.

jirrimarka li fil-White Paper jissemmew il-bliet. Il-KtR jipproponi li minbarra l-bliet, għandhom jissemmew ukoll ir-reġjuni urbani u/jew l-agglomerazzjonijiet. F’bosta Stati Membri l-agglomerazzjonijiet urbani huma iktar influwenti fil-politika tat-trasport mill-fruntieri li jaqsmu l-lokalitajiet;

4.

jemmen li l-White Paper tal-2011 hija dokument ambizzjuż ħafna, l-aktar għax, kif wieħed seta' jistenna, l-ebda wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-White Paper tal-2001 ma ntlaħaq b’mod sħiħ. Madankollu, xi għanijiet fit-tul jistħoqqilhom jissejħu għanijiet ambizzjużi intermedjarji fuq perjodu ta’ żmien iqsar biex il-politiċi nazzjonali u reġjonali responsabbli jingħataw qafas indikattiv ċar dwar l-azzjonijiet li għandhom iwettqu tul il-mandat tagħhom;

5.

iqis li l-iżvilupp ta’ viżjonijiet għall-futur huwa meħtieġ u ġustifikat għax id-deċiżjonijiet li jittieħdu llum ser jiddeterminaw b’mod kruċjali t-trasport matul id-deċennji li ġejjin. Madanakollu m’għandux jintesa l-fatt li viżjonijiet ibbażati fuq bosta deċennji jistgħu ma jkunux daqshekk preċiżi;

6.

jemmen li l-bilanċ bejn il-modi ta’ trasport huwa marbut mill-qrib mal-kwistjoni tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u influwenzat direttament mill-politiki tat-tariffi tat-toroq għall-użu tal-infrastruttura tat-trasport; jappoġġja b’mod ċar il-viżjoni tal-White Paper għal mudell trasparenti u applikabbli b’mod ġenerali għall-kalkolu tat-tariffazzjoni tal-infrastruttura li tapplika għall-modi kollha ta’ trasport, u jippromwovi l-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż esterni, jirrakkomanda wkoll li d-dħul kollu mill-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli Ewropej jiġi allokat għall-integrazzjoni mtejba tal-ispejjeż esterni (fosthom id-Direttiva dwar il-Eurovignette) u l-implimentazzjoni ta’ sistema tat-trasport integrata u effiċjenti, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer;

7.

f’dan il-kuntest, u b’mod partikolari fir-rigward tal-modi tat-trasport tal-ajru u tal-baħar, huwa tal-fehma li jeħtieġ li jinsab bilanċ bejn li jiġi rispettat għalkollox il-ħarsien tal-ambjent u l-ispiża enormi addizzjonali li dan ifisser għall-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi, li huma totalment dipendenti minn dawn il-modi ta’ trasport u li, minkejja dan, jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ fit-tnaqqis tal-emissjonijiet;

8.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tħeġġeġ bidla modali effettiva mit-trasport bit-triq għal dak bil-ferrovija, ix-xmajjar u l-baħar hi u tinsisti fuq l-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha ta’ trasport bħat-tniġġis tal-arja, il-konġestjoni u l-istorbju;

9.

josserva li fil-passat il-Kummissjoni kienet indikat li l-ispejjeż esterni relatati mal-inċidenti diġà huma internalizzati b’mod effettiv permezz tal-primjums tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Il-KtR għandu d-dubji dwar dan u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tressaq mudelli ta’ kalkolu applikabbli għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż relatati mal-inċidenti li jqisu l-ispejjeż kollha kkawżati mill-inċidenti;

10.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-White Paper fiha wkoll miżuri li jippromovu mġiba ta’ vvjaġġar aktar sostenibbli, irawmu r-rieda li jiġu adottati modi ta’ vvjaġġar u teknoloġiji ġodda u jiżguraw l-aċċettazzjoni tal-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż esterni. L-UE għandha rwol importanti x’taqdi biex tiżgura li ċ-ċittadini jifhmu u jaċċettaw il-miżuri li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jieħdu biex isolvu l-problemi tat-traffiku fl-agglomerazzjonijiet;

11.

jiddispjaċih li l-White Paper ma tindirizzax biżżejjed il-kwistjonijiet tal-aċċessibbiltà u l-mobilità tal-persuni kif ukoll il-kunċett fundamentali tal-koeżjoni territorjali fil-qasam tat-trasport, b’mod partikolari fir-rigward tar-reġjuni periferiċi, ultraperiferiċi u insulari. Żona Unika Ewropea tat-Trasport Ewropew ma tistax tinkiseb mingħajr il-garanzija ta’ kundizzjonijiet ugwali ta’ aċċess għat-territorji, kemm għall-intrapriżi kif ukoll għaċ-ċittadini;

12.

jinnota li l-ħidma politika tal-KtR matul dawn l-aħħar għaxar snin ħadet pożizzjoni ċara dwar il-prinċipji u l-politiki li għandhom jiggwidaw il-politika Ewropea tat-trasport illum il-ġurnata; għalhekk, huwa tal-fehma li għandha tingħata importanza xierqa lil din il-ġabra ta’ konoxxenzi meta tiġi biex titfassal il-politika Ewropea tat-trasport għas-snin li ġejjin;

13.

bi prinċipju, jenfasizza li sistema ta’ mobbiltà effiċjenti, sostenibbli u b’emissjonijiet baxxi hija dritt taċ-ċittadini u fl-istess waqt kienet u għadha fattur determinanti għall-ekonomija, il-benessri u l-kwalità tal-ħajja. Biex l-iżvilupp tal-infrastrutturi tat-trasport ikun aktar effikaċi, għandhom jitħeġġu liġijiet ta’ pjanifikazzjoni semplifikati.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Viżjoni għal sistema kompetittiva u sostenibbli tat-trasport

14.

jaqbel mal-analiżi ppreżentata fil-White Paper dwar ix-xejriet u l-isfidi relatati li se jaffettwaw is-settur tat-trasport fl-għexieren ta’ snin li ġejjin. Evalwazzjoni solida tax-xejriet li jaffettwaw is-settur tat-trasport hija prekundizzjoni meħtieġa għat-tfassil tal-politiki tat-trasport adatti. F’dan il-lat, il-White Paper tirrifletti l-biċċa l-kbira tan-nuqqasijiet kunċettwali li jridu jitqiesu waqt id-dibattitu dwar il-ġejjieni tas-sistema ta’ trasport Ewropea;

15.

madankollu, minkejja l-fatt li t-trasport huwa importanti ħafna għall-kompetittività tal-Unjoni Ewropea, jixtieq jiċċara l-istqarrija tal-Kummissjoni Ewropea li, “It-trażżin tal-mobilità mhuwiex alternattiva”. Huwa evidenti li t-trasport għandu jissodisfa l-istennijiet tal-mobilità individwali u t-twettiq tal-iskambji ekonomiċi, però jeħtieġ li l-intrapriżi jiġu sensiblizzati aktar sabiex jikkombinaw il-vjaġġi flimkien aktar ta’ spiss, jisfruttaw il-potenzjal tar-rilokazzjoni u jużaw il-proċeduri u t-teknoloġiji li jikkontribwixxu għall-aħjar użu tat-trasport (pereżempju, telexogħol, konferenzi bil-video u l-aħjar użu possibbli ta’ sit);

16.

jappoġġja l-għaxar miri għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti identifikati fil-White Paper u l-użu tagħhom biex isiru l-paraguni għall-ilħuq tal-mira tat-tnaqqis ta’ 60 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra; għaldaqstant il-Kumitat jirrakkomanda li din il-mira ġenerali għandha tkun inkluża wkoll bħala parti mil-lista tal-miri identifikati fil-White Paper. Barra minn hekk, jissuġġerixxi li l-miri proposti għandhom jiġu komplementati b’miri addizzjonali għat-tnaqqis tad-dipendenza fuq iż-żejt, it-tnaqqis tal-istorbju u tat-tniġġis tal-arja;

17.

jappoġġja l-mira li sal-2030 jitnaqqas bin-nofs l-użu fit-trasport urban ta’ karozzi li jimxu bil-“fjuwil konvenzjonali”, jitneħħew gradwalment mill-bliet sal-2050 u naslu għal loġistika ta’ bliet kważi ħielsa mis-CO2 fiċ-ċentri urbani ewlenin sal-2030; anke bl-użu ta’ strumenti fiskali, xorta waħda jqis din il-miżura bħala waħda ambizzjuża ħafna. Għaldaqstant huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti objettivi intermedji li permezz tagħhom ikun jista’ jsir pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-miżuri li se jiġu stabbiliti, u biex isir monitoraġġ tal-implimentazzjoni, u r-riżultati jiġu evalwati;

18.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tixtieq timxi lejn applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta’ “min juża jħallas” u “min iniġġes iħallas” u b’hekk telimina d-distorsjonijiet li jxekklu l-kompetizzjoni ġusta bejn il-modi tat-trasport fuq il-bażi tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha; jappoġġja l-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż soċjali u ambjentali (inklużi l-inċidenti, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju u l-konġestjoni) permezz ta’ taxxa armonizzata fil-livell tal-modi kollha ta’ trasport u li d-dħul tagħhom jiġi allokat għall-implimentazzjoni ta’ sistema tat-trasport integrata u effiċjenti;

19.

huwa sodisfatt li għadd ta’ proposti li saru mill-KtR fl-aktar opinjonijiet riċenti tiegħu dwar il-mobilità urbana ġew inklużi fil-White Paper. F’dan ir-rigward il-Kumitat jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li toħloq inċentivi biex jittejbu u jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-vjaġġi li jsiru minn karozzi u trakkijiet konvenzjonali fil-bliet u jaqbel li flotot kbar ta’ xarabanks urbani, taksis u vannijiet li jqassmu l-merkanzija huma l-aħjar mezz biex jiddaħħlu vetturi li jużaw enerġija nadifa. Il-Kummissjoni b’raġun tinnota li l-iżvilupp u l-użu immedjat ta’ vetturi b’enerġija nadifa jista’ jkollu benefiċċji immedjati fit-tnaqqis tad-dipendenza fuq iż-żejt, kif ukoll benefiċċji għas-saħħa minħabba kwalità tal-arja mtejba fil-bliet;

20.

jappoġġja wkoll l-idea li l-bilanċ ixaqleb lejn modi tat-trasport li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent filwaqt li tinżamm l-effiċjenza ġenerali u tittejjeb l-interoperabbiltà tal-modi kollha tat-trasport. Madankollu, il-politiki attivi li jiddiskriminaw favur mod partikolari għandhom jiġu evalwati b’attenzjoni u jitqiesu fil-kuntest ta’ mudell ġust u trasparenti għall-allokazzjoni tal-fondi għat-trasport; jekk dan ma jseħħx, ikun hemm ir-riskju li jiġu promossi soluzzjonijiet tat-trasport mhux effiċjenti. Barra minn hekk, l-użu ta’ modi alternattivi ta’ trasport jitlob il-preżenza ta’ infrastruttura u servizzi adattati għal dan il-għan, biex b’hekk jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet attwali;

21.

minkejja l-kummenti t’hawn fuq, jemmen li l-għaxar miri identifikati mill-White Paper għal sistema ta’ trasport kompetittiva u li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi huma ambizzjużi b’mod ċar; għalhekk, jemmen li għandhom jiġu definiti miri u għanijiet intermedji, billi jitqiesu miri strateġiċi komplementarji diġà definiti mill-Kummissjoni Ewropea u għal dan il-għan jitlob il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dawn il-miri intermedji għandhom ikunu parti minn proċess ta’ monitoraġġ biex jiġi garantit is-suċċess tal-viżjoni tal-White Paper;

22.

qabel kollox, ifakkar li l-politika tat-trasport tal-Unjoni Ewropea għandha tibbaża ruħha fuq il-kunċett tal-interess ġenerali (ugwaljanza fl-aċċess għall-mezzi kollha tat-trasport, rispett tad-drittijiet soċjali, integrazzjoni tal-esternalitatjiet, eċċ.);

23.

jinnota li l-punt 137 tad-dokument ta’ ħidma (SEC(2011) 391) li jakkumpanja l-White Paper (iżda li huwa ppubblikat b’lingwa waħda biss) jgħid li, b’rabta mas-segwitu tar-Regolament 1370/2007 dwar l-obbligu ta’ servizz pubbliku fir-rigward tat-trasport, il-Kummissjoni ser tipproponi inizjattiva għall-introduzzjoni ta’ sejħiet għall-offerti kompetittivi għall-kuntratti tas-servizzi pubbliċi, intiżi biex tiġi żgurata provvista effikaċi ta’ servizzi ta’ kwalità għolja. Din l-inizjattiva trid tirrispetta l-possibbiltà li l-awtoritajiet lokali jipprovdu, taħt ċerti kundizzjonijiet, is-servizzi b’mod “in house” mingħajr kompetizzjoni;

24.

iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea twettaq integrazzjoni ġenwina tal-politiki tat-trasport tas-27 Stat Membru (it-tqarrib tal-istrutturi nazzjonali, ir-rispett tal-kompetizzjoni skont il-prinċipji tal-interess ġenerali, l-armonizzazzjoni fiskali, id-definizzjoni ta’ qafas ġdid ta’ regolamentazzjoni applikabbli għal-livelli differenti tas-sussidjarjetà) b’konformità mal-governanza f’diversi livelli;

Żona Unika Ewropea tat-Trasport

25.

jenfasizza l-ħtieġa li titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq Ewropew tal-ferroviji sabiex jinħoloq netwerk ferrovjarju effiċjenti li joffri servizz ta’ kwalità f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħinijiet tal-vjaġġi, l-affidabbiltà u kemm jesgħu l-ferroviji. F’dan ir-rigward, għandha tinstab soluzzjoni sostenibbli u kosteffettiva bil-ħsieb li jinħoloq netwerk Ewropew kompetittiv tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija li jirrispondi għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan it-tip ta’ traffiku. Barra minn hekk, għandhom jingħelbu l-ostakli tekniċi kruċjali, relatati pereżempju mad-distanza bejn iż-żewġ roti tal-ferroviji. Barra minn hekk, joħroġ biċ-ċar li t-trasport tal-merkanzija bil-ferroviji u dak bil-baħar fuq distanzi qosra, u b’mod partikolari l-użu komplementari taż-żewġ modi, għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għall-integrazzjoni tal-ekonomiji reġjonali li jinsabu f’reġjuni mbiegħda. Għal dan il-għan, u sabiex jiġi żgurat li dawn il-modi ta’ trasport sostenibbli jaħdmu tajjeb, jeħtieġ li jiġu żviluppati wkoll konnessjonijiet ma’ ċentri loġistiċi, sabiex isir l-aħjar skambju intermodali possibbli u sabiex is-sistema kollha tkun effettiva, filwaqt li tiġi evitata l-proliferazzjoni tal-installazzjonijiet loġistiċi li ma jkollhomx il-karatteristiċi li jistgħu jressqu s-sistema tat-trasport lejn l-intermodalità u l-komodalità;

26.

jappoġġja l-idea tat-tisħiħ ta’ politika Ewropea tat-trasport li tkun imsejsa fuq sett ta’ regoli koerenti, komprensivi u stabbli għall-utenti u l-operaturi, l-użu ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet tat-trasport avvanzati u l-bini jew it-titjib ta’ infrastrutturi adegwati. Dan ikun jeħtieġ l-ikkompletar tas-suq intern għas-servizzi tat-trasport u t-tneħħija ta’ ostakli regolatorji, amministrattivi u tekniċi fil-modi kollha ta’ trasport, kif ukoll tisħiħ konsistenti tar-regoli ta’ kompetizzjoni, standards ta’ servizz imtejba u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-utenti;

27.

jinnota li huwa importanti li f’dan ir-rigward ma jitqisux biss il-konnessjonijiet fuq distanzi twal iżda wkoll in-netwerks reġjonali relatati. Barra minn hekk, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni konfinali, li qed jiffaċċjaw problema. Ta’ min isemmi b’mod partikolari d-differenzi fir-rigward tas-sistemi ta’ pagament, il-konnessjonijiet tekniċi, il-ħinijiet u l-oqfsa leġislattivi;

28.

ifakkar mill-banda l-oħra li fejn jidħol il-ftuħ tas-swieq tal-ferrovija għadu ma sarx biżżejjed progress. Għalhekk jeħtieġ li r-regoli tekniċi u legali li jmexxu s-swieq tal-ferrovija jittejbu u jiġu standardizzati. Fl-istess ħin, għandhom jiddaħħlu possibbiltajiet għal kofinanzjament;.

29.

ifakkar li l-liberalizzazzjoni u l-wasla ta’ membri ġodda fis-suq, meta dawn iseħħu, għandhom jiġu akkumpanjati mill-ħolqien ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu li jikber is-sehem tas-suq ferrovjarju (b’mod partikolari li jiġu standardizzati l-materjali, il-kundizzjonijiet ta’ ċirkulazzjoni, l-istandards ta’ sigurtà fuq in-netwerks permezz tar-rwol tal-aġenziji Ewropej) fid-dawl tal-fatt li huwa permezz t’hekk li jiġu promossi l-kreattività u l-implimentazzjoni ta’ servizzi aktar diversifikati għall-benefiċċju tal-konsumaturi u ta’ bidla modali ġenwina;

30.

jenfasizza, fir-rigward tal-bidla modali mit-trasport bit-triq lejn dak bil-ferroviji, ix-xmajjar u l-baħar, li l-għan tal-White Paper li jonqos is-sehem tat-trasport tal-merkanzija bit-triq għal distanzi ta’ aktar minn 300 km mhuwiex ambizzjuż biżżejjed (tnaqqis ta’ 30 % minn issa sal-2030 u ta’ 50 % sal-2050); għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea li tipproponi programm ambizzjuż li joħloq awtostradi għall-ferroviji madwar l-Ewropa kollha. Din it-tip ta’ infrastruttura biss tista’ twassal biex fuq perjodu twil jitneħħa t-traffiku tal-merkanzija fuq distanzi twal mit-toroq u b’hekk tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali, speċjalment mal-pajjiżi fil-periferija;

31.

jappoġġja l-implimentazzjoni sħiħa tal-inizjattiva Ajru Uniku Ewropew u t-tlestija tas-suq intern għas-servizzi ferrovjarji. Huwa favur ukoll l-idea ta’ “Ċinturin Blu” bħala l-ewwel pass lejn il-ħolqien ta’ sistema solida ta’ servizzi marittimi li għandhom jiġu komplementati bil-kunċett tal-Awtostradi tal-Baħar, inkluża viżjoni ġdida tal-importanza tal-bastimenti bħala infrastrutturi mobbli reali;

32.

huwa tal-fehma li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod speċjali l-konnessjonijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi mal-kontinent Ewropew u mal-pajjiżi terzi ġirien; in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà li dawn ir-reġjuni tradizzjonalment iġarrbu jippenalizzahom u jwaqqafhom milli jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq uniku Ewropew u milli jiżviluppaw l-ekonomiji tagħhom fl-ambitu reġjonali tagħhom;

33.

jiddispjaċih li l-White Paper tal-2011 tirrappreżenta pass lura f’termini tal-politika pro-marittima tat-trasport, meta mqabbla ma’ dik tal-2001 (li nediet l-Awtostradi tal-Baħar), u b’mod partikolari li l-lista ta’ inizjattivi mehmuża mal-White Paper ma tagħtix informazzjoni dwar il-ġejjieni tal-Awtostradi tal-Baħar u lanqas dwar il-ġejjieni tal-programm Marco Polo;

34.

huwa wkoll tal-fehma li r-reġjuni li b’riżultat tal-karatteristiċi topografiċi tagħhom (bħar-reġjuni muntanjużi), iġarrbu l-emissjonijiet tat-trasport b’mod aktar serju, jeħtieġu regolamenti u miżuri speċifiċi sabiex jitnaqqas il-volum tat-trasport u l-effetti relatati sal-punt li l-effetti negattivi fuq saħħet il-bniedem u l-ambjent jiġu eliminati għalkollox;

35.

iqis li għandhom isiru aktar sforzi għall-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet tat-trasport aħjar u aktar effiċjenti li jtejbu l-konnessjonijiet bejn it-territorju kontinentali Ewropew u r-reġjuni insulari u ultraperiferiċi tiegħu, kif ukoll ir-rabtiet kollha mar-reġjuni li jinsabu lil hinn mill-fruntieri esterni tal-UE;

36.

jenfasizza wkoll li, minbarra t-tisħiħ tal-konnessjonijiet bejn il-Lvant u l-Punent tal-Ewropa, huwa essenzjali wkoll li, għal raġunijiet ta’ koeżjoni u ta’ kompetittività, jiġu promossi konnessjonijiet effiċjenti bejn l-Ewropa ċentrali u l-fruntieri esterni tal-Ewropa kif ukoll ir-reġjuni li jinsabu aktar ’il bogħod li jgħaqqdu l-Ewropa mal-Mediterran u maż-żoni Atlantiċi. Dwar dan, il-KtR jixtieq jenfasizza l-importanza kruċjali tal-portijiet u l-ajruporti u tal-konnessjonijiet tagħhom maż-żoni interni tal-artijiet fl-integrazzjoni tal-UE fis-suq globali, l-aktar mar-reġjuni tal-Afrika, l-Amerka u l-Asja, kif ukoll il-potenzjal strateġiku tal-gżejjer Atlantiċi bħala pjattaformi loġistiċi għat-trasport;

37.

josserva li se jsiru wkoll sforzi speċjali għall-iżvilupp immirat tal-ħames rotot ewlenin li ġew identifikati mill-Kummissjoni Ewropea fil-qafas tal-linji gwida għat-trasport fl-Ewropa u fil-pajjiżi ġirien. F’dan ir-rigward, ir-rotta ċentrali ser tirrikjedi sforzi ikbar mill-UE u l-Istati Membri li jinsabu matulha. Huwa jilqa’ bi pjaċir l-għan li n-netwerk ċentrali li qed jiġi stabbilit fil-qafas tat-TEN-T ikun aktar flessibbli. F’dan il-kuntest ikun jaqbel li jiġu applikati metodi ta’ valutazzjoni trasparenti li jiggarantixxu kemm is-sigurtà tal-investimenti mwettqa kif ukoll aġġornament u twessigħ kontinwi tan-netwerk TEN-T;

38.

jilqa’ l-proposta għar-reviżjoni tar-Regolament tas-Slottijiet favur użu aktar effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruporti. Minkejja dan, huwa vitali li jitqies kollox qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet finali, ikunu liema jkunu, dwar skedi ġodda tal-ħinijiet, speċjalment għal ajruporti li jinsabu f’żoni urbani fejn l-impatti ambjentali huma aktar kritiċi;

39.

jenfasizza l-importanza li jinġiebu flimkien il-kompetittività u l-aġenda soċjali billi nibnu fuq id-djalogu soċjali, sabiex jiġu evitati l-kunflitti soċjali, li wrew li jikkawżaw telf ekonomiku sinifikanti f’għadd ta’ setturi;

40.

jilqa’ l-inizjattivi proposti għat-titjib tas-sigurtà permezz ta’ approċċ komprensiv li jgħaqqad flimkien il-politika, il-leġislazzjoni u l-monitoraġġ tas-sigurtà tat-trasport tal-ajru u dak marittimu. B’mod partikolari, hija relevanti immens il-promozzjoni ta’ metodi ta’ monitoraġġ imtejba li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkontrollati għadd akbar ta’ passiġġieri bl-inqas problemi, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali tal-passiġġieri;

41.

jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-“viżjoni żero” (biex l-imwiet jitnaqqsu għal żero) marbuta mas-sikurezza tat-toroq filwaqt li jagħraf il-ħafna sfidi li tippreżenta u l-livell ta’ ambizzjoni li tinvolvi. F’dan ir-rigward, huwa rrakkomandat li jiġi adottat approċċ divrenzjat, pereżempju billi jiġi stabbilit rapport bejn id-densità tat-traffiku u l-għadd ta’ vittmi ta’ inċidenti tat-toroq. Fil-fatt, jeżistu differenzi kbar bejn il-bliet u r-reġjuni fir-rigward tal-għadd ta’ mwiet fit-toroq u l-miżuri li diġà ġew adottati. Standard ġenerali jolqot b’mod sproporzjonat il-bliet u r-reġjuni li diġà adottaw miżuri effettivi li wasslu għal tnaqqis fl-għadd ta’ mwiet ikkawżati minn inċidenti fit-toroq. Barra minn hekk, is-sigurtà fit-toroq ma tiddependix biss mit-teknoloġija iżda wkoll mill-imġiba tal-bniedem. Dwar dan, il-KtR jirrakkomanda l-armonizzazzjoni tal-ispezzjonijiet perjodiċi tal-vetturi u li l-edukazzjoni dwar is-sigurtà fit-toroq tiġi inkluża bħala parti mill-programmi tal-iskejjel tas-sewqan fl-Ewropa. Dawn il-kontrolli tekniċi armonizzati jistgħu jiġu applikati wkoll f’oqsma oħra, pereżempju għall-emmissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Barra minn hekk, il-bidla fil-mudelli tal-imġiba tan-nies tista’ twassal biex jitnaqqas l-ammont ta’ traffiku, u b’dan il-mod tagħti kontribut konsiderevoli biex tiżdied is-sikurezza tat-toroq;

42.

iqis li l-miżuri relatati mas-sigurtà fit-toroq għandhom ikunu bbażati fuq eżempji ta’ prattika tajba; għandu jkun possibbli li jiġu aġġustati u adattati skont is-sitwazzjoni lokali. F’dan il-kuntest, nixtiequ wkoll nirreferu għall-opinjoni preċedenti tal-KtR dwar il-linji gwida politiċi dwar is-sigurtà fit-toroq mill-2011 sal-2020;

43.

fir-rigward tat-trasport ferrovjarju, għandu jsir in-norma l-użu ta’ sistema Ewropea ta’ senjalazzjoni u ta’ ġestjoni tat-traffiku (ERTMS) fuq il-linji ferrovjarji kollha. Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lit-taqsimiet transkonfinali, li fuqhom għad hemm punti ta’ konġestjoni minħabba d-diverġenzi tas-sistemi tas-sigurtà.

44.

dwar dan, itenni l-appoġġ tiegħu għall-idea tal-armonizzazzjoni tad-diversi definizzjonijiet ta’ korrimenti gravi, sabiex l-effettività tal-politika dwar is-sigurtà fit-toroq tkun tista’ tiġi monitorjata u valutata aħjar. Barra minn hekk, jipproponi l-għoti tal-aċċess u l-interoperabbiltà tar-reġistri tar-reati tat-traffiku fit-triq sabiex ikun possibli li jiġu applikati sanzjonijiet li jqisu l-ksur li jkun sar fi Stati Membri oħra;

L-innovazzjoni għall-ġejjieni – it-teknoloġija u l-imġiba

45.

jappoġġja għalkollox il-viżjoni ppreżentata fil-White Paper għal Politika Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fit-Trasport li tipproponi sforzi konġunti għar-riċerka: jaqbel ukoll mal-oqsma li hemm bżonn jiġu indirizzati, jiġifieri, l-effiċjenza tal-vetturi permezz ta’ magni, materjali u disinn ġodda, użu aktar nadif tal-enerġija permezz ta’ sorsi ta’ enerġija u sistemi ta’ propulsjoni ġodda, u użu aħjar tan-netwerk u tħaddim b’aktar sigurtà u sikurezza permezz tas-sistemi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni;

46.

jilqa’ l-proposta ppreżentata fil-White Paper biex jiġu definiti standards adegwati għall-emissjonijiet tas-CO2 ta’ vetturi f’kull mod ta’ trasport, jiġu stabbiliti regoli dwar l-interoperabbiltà tal-infrastruttura għat-tariffazzjoni ta’ vetturi li jużaw enerġija nadifa u jitwaqqfu linji gwida u standards għall-infrastrutturi tal-provvista tal-fjuwil (refuelling); dan kollu għandu jsir bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

47.

jenfasizza l-importanza ta’ politika tal-UE li tindirizza l-problemi tal-vetturi fis-sors tagħhom, permezz ta’ standards fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u fuq it-tniġġis tal-arja u l-istorbju, flimkien ma’ standards sabiex tissaħħaħ is-sikurezza attiva u passiva tal-vetturi. F’dan ir-rigward huwa indispensabbli li l-introduzzjoni ta’ titjib tekniku essenzjali fit-teknoloġija tal-vetturi tkun marbuta mar-rispett tal-limiti tal-emissjonijiet għall-istorbju u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-arja;

48.

iqis li l-imġiba fl-ivvjaġġar u s-sewqan huma kwistjonijiet ċentrali biex jintlaħqu kompletament il-miri stabbiliti mill-White Paper; għalhekk, jilqa’ l-inizjattivi kollha inklużi fil-White Paper għall-promozzjoni tal-għarfien fost il-pubbliku dwar id-disponibbiltà ta’ alternattivi għal trasport individwali konvenzjonali, u miżuri mfassla biex itejbu l-imġiba tas-sewwieqa; madankollu jqis li hemm bżonn isir aktar fil-qasam tal-imġiba fl-ivvjaġġar, b’mod partikolari fit-tħejjija tal-pubbliku Ewropew tal-futur biex jadotta attitudnijiet ġodda lejn il-mobilità iżda wkoll fl-adattament tal-infrastruttura tat-trasport adegwata;

Mobilità urbana

49.

jilqa’ l-proposti dwar il-Pjani ta’ Mobilità Urbana li hemm fil-White Paper. L-iżvilupp ta’ pjani ta’ mobilità urbana sostenibbli, tal-inqas għall-bliet il-kbar, kien talba ċentrali tal-KtR fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper;

50.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fil-fehma tal-Kummissjoni, parti kbira mill-effetti esterni tas-sistemi tat-trasport jolqtu l-iżjed liż-żoni b’ħafna bini. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jafu l-aħjar kif isolvu dawn it-tipi ta’ problemi. Għalhekk, huwa importanti li jkollhom l-istrumenti neċessarji biex iwettqu dan il-kompitu. Għandu jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iżda l-UE tista’ tappoġġja l-ħidma fil-livell lokali u reġjonali billi tippromovi l-kooperazzjoni u t-tixrid tal-esperjenzi u billi tinkoraġġixxi bidla fl-attitudni;

51.

jirrakkomanda miżuri ta’ inċentiv għat-tħejjija ta’ Pjani u Awditjar ta’ Mobilità Urbana sostenibbli, sakemm id-deċiżjonijiet jibqgħu f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; u jfakkar fl-opinjoni preċedenti tiegħu favur it-twaqqif ta’ strument finanzjarju ġdid fil-perspettivi finanzjarji 2014-2020 li jippermetti l-finanzjament konġunt tal-Pjani ta’ Mobilità Urbana. It-tressiq ta’ applikazzjoni għal Awditjar tal-Mobilità Urbana jista’ jikkontribwixxi għall-proċess tal-istabbiliment ta’ premju Ewropew annwali għall-aqwa inizjattivi trasferibbli fil-qasam tat-trasport. Dan il-premju mbagħad jista’ jagħmel parti minn sistema ekwivalenti għall-“Iskema ta' Bandiera Blu” mal-Ewropa kollha li tingħata liż-żoni urbani b’livelli baxxi ta’ tniġġis ambjentali u konġestjoni kif propost mill-KtR fil-passat;

52.

jemmen li l-bliet ippjanati sew li jadottaw proċessi ta’ produzzjoni aktar effiċjenti u li jeliminaw is-soluzzjonijiet tat-trasport superfluwi jippromwovu aċċessibbiltà ogħla għall-oġġetti, in-nies u s-servizzi. Għalhekk, jirrakkomanda li l-ippjanar urban u dak dwar il-mobilità għandhom jiġu indirizzati b’mod aktar integrat;

53.

qed isegwi b’interess l-inizjattivi lokali li jintroduċu t-tariffazzjoni tal-utenti tat-toroq urbani u l-iskemi għar-restrizzjoni tal-aċċess, u jappoġġja l-introduzzjoni ta’ standards tekniċi komuni li jiżguraw l-interoperabbiltà, bil-għan li dawn l-inizjattivi lokali jinżammu milli joħolqu ostakli tekniċi għall-moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea;

54.

jenfasizza r-rwol ċentrali tas-soluzzjonijiet tekniċi u organizzattivi bħat-teknoloġiji tal-informazzjoni fl-appoġġ ta’ xejriet ġodda ta’ mobilità bbażati fuq l-użu konġunt tal-modi kollha ta’ trasport għall-ivvjaġġar u l-ġarr tal-merkanzija (eż. sistemi għall-ħruġ ta’ biljetti intermodali, dokumenti intermodali li jridu jiġu pprovduti għall-ġarr tal-merkanzija, tfassil ta’ rotot b’mod elettroniku, lokalizzar tal-merkanzija, informazzjoni f’ħin reali dwar it-twassil) bil-għan li jiġi ottimizzat l-użu tat-trasport ta’ merkanzija ħafifa eżistenti (użu komuni tal-vetturi, żvilupp ta’ vetturi elettriċi għal distanzi qosra, sistema ta’ car sharing, car-pooling, arkitettura tat-trasport u tal-korrispondenzi, użu tal-karozzi tal-linja u tat-tram b’mod prijoritarju), peress li l-governanza tas-sistema lokali u reġjonali tat-trasport hija sfida ewlenija ttraskurata fil-White Paper;

55.

jirrakkomanda d-definizzjoni ta’ strateġija għat-tqarrib lejn “loġistiki urbani b’żero emissjonijiet”, li ġġib flimkien aspetti tal-ippjanar tal-art, l-aċċess bil-ferroviji, il-baħar u x-xmajjar, it-tariffazzjoni u l-istandards teknoloġiċi tal-vetturi permezz tal-promozzjoni ta’ akkwist pubbliku konġunt għal vetturi b’emissjonijiet baxxi fil-flotot kummerċjali (vannijiet tal-kunsinni, taksis, xarabanks, eċċ.).

56.

jitlob li r-rabta bejn id-dimensjoni urbana tal-politika tat-trasport u l-kunċett usa’ tal-ippjanar tal-art jiġu kkunsidrati aħjar sabiex jitjiebu mhux biss it-trasport urban u l-infrastrutturi iżda wkoll biex tiġi miġġielda l-espansjoni urbana (urban sprawl) u jerġgħu jiġu kkunsidrati r-relazzjonijiet bejn il-bliet u l-ambjent dirett tagħhom (urban/rurali); hawnhekk għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tisħiħ tat-trasport pubbliku fuq distanzi qosra;

Infrastruttura moderna, ipprezzar u finanzjament intelliġenti

57.

bħala parti mir-reviżjoni tal-politika dwar it-TEN-T li għaddejja bħalissa, jappoġġja l-istabbiliment ta’ netwerk ċentrali ta’ infrastruttura Ewropea strateġika li jintegra lir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea, u jappoġġja wkoll il-punti prinċipali ta’ referenza għat-trasport u l-loġistika, u li jagħti forma liż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport fejn għandhom jiġu eliminati l-konġestjonijiet u għandu jinħolqu l-konnessjonijiet adegwati mas-suq globali;

58.

jinnota li l-għanijiet inklużi fil-White Paper ma jistgħux jitwettqu b’mod sħiħ jekk ma jingħatawx il-fondi adegwati, filwaqt li wieħed iżomm f’rasu l-ispeċifiċità reġjonali tal-koeżjoni tal-Istati Membri differenti u l-impenji taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-fatt il-White Paper tevita s-suġġett tar-riżorsi baġitarji u mhux baġitarji li għandhom jiġu allokati għall-politika tat-trasport tal-UE u għall-infrastrutturi. F’dan ir-rigward, il-KtR jappoġġja l-proposta li jintuża self Ewropew jew Eurobonds bħala strumenti ewlenin biex jiffinanzjaw l-infrastrutturi tat-trasport meħtiġin. Il-KtR ifakkar li dan l-investiment kbir għandu jingħata spinta permezz ta’ rieda politika ġenwina fl-ogħla livell li mingħajrha l-ambizzjonijiet tal-politika Ewropea tat-trasport, li huma indispensabbli għall-kompetittività reġjonali, jibqgħu biss xewqat fiergħa;

59.

jinnota li l-politika ta’ koeżjoni għandha l-miri tagħha stess u tagħmel parti minn approċċ reġjonali integrat u li mhuwiex mixtieq li l-baġit tagħha jintuża biex jiffinanzja l-politika Ewropea tan-netwerks ta’ trasport. Madankollu jeħtieġ li tiġi promossa l-koerenza bejn il-proġetti tal-infrastrutturi ffinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni u l-għanijiet tal-politika Ewropea tat-trasport;

60.

jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu riveduti r-riżorsi maħsubin għall-infrastuttura tat-trasport proposta fil-baġit futur tal-UE u li jitħeġġeġ aktar l-impenn tas-settur privat b’mod aktar trasparenti. Barra minn hekk, il-Kumitat huwa favur ukoll il-promozzjoni ta’ strumenti ġodda ta’ finanzjament għas-settur tat-trasport, partikolarment l-inizjattiva tal-UE dwar is-self obbligatorju għall-finanzjament tal-proġetti;

61.

jinnota li l-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet, l-eliminazzjoni tad-distorsjonijiet fiskali u s-sussidji mhux ġustifikati u l-kompetizzjoni ħielsa u bla distorsjonijiet għandhom ikunu parti mill-isforz biex l-għażliet tas-suq ikunu koerenti ma’ bżonnijiet sostenibbli; għalhekk il-Kumitat jappoġġja l-approċċ għal ipprezzar u tassazzjoni intelliġenti li jfittex l-internalizzazzjoni sħiħa u mandatorja tal-ispejjeż esterni tat-trasport bit-triq u l-ferrovija, tat-tniġġis lokali u tal-istorbju fil-portijiet u l-ajruporti, kif ukoll tat-tniġġis tal-arja fuq il-baħar, u jirrakkomanda li tiġi eżaminata l-applikazzjoni mandatorja tat-tariffazzjoni tal-internalizzazzjoni fuq l-ilmijiet interni kollha fit-territorju tal-UE; in-nuqqas ta’ alternattivi fit-trasport lejn u mir-reġjuni insulari u ultraperiferiċi għandu jitqies meta jiġu applikati t-tariffi fuq l-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet tat-trasport;

62.

madankollu, jinsisti li hemm bżonn li jitqiesu l-limitazzjonijiet speċifiċi tar-reġjuni periferiċi fil-mekkaniżmi futuri tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (il-Eurovignette u s-suċċessuri tagħha). Kull mekkaniżmu li mhux ser iqis l-iżvantaġġ tad-distanza ser ikun qed jippenalizza l-atturi u l-aġenti ekonomiċi tar-reġjuni mbiegħda;

63.

jenfasizza li, minkejja l-importanza ta’ din il-miżura, il-miri stabbiliti għall-2016 u l-2020 jidhru li huma ambizzjużi ħafna u, abbażi tal-esperjenza preċedenti u dik attwali (eż. il-leġislazzjoni imsejħa tal-“Eurovignette”), diffiċilment jiġu implimentati;

Id-dimensjoni esterna

64.

jappoġġja għalkollox l-aspett tad-dimensjoni esterna tal-White Paper; f’dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li r-regoli tas-suq intern jiġu estiżi permezz ta’ ħidma f’organizzazzjonijiet internazzjonali, il-promozzjoni ta’ standards Ewropej tas-sigurtà, is-sikurezza, il-privatezza u l-ambjent madwar id-dinja kollha permezz ta’ kooperazzjoni bilaterali u multilaterali u t-tisħiħ tad-djalogu dwar it-trasport mal-imsieħba ewlenin;

65.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa aktar il-kunċett tad-dimensjoni internazzjonali tas-sistema tat-trasport Ewropew u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tintegra bis-sħiħ id-dimensjoni Mediterranja u Atlantika tan-netwerk tat-trasport, li bla dubju għandha impatt fuq l-iżvilupp tat-trasport fl-Unjoni Ewropea, u hija wkoll mezz essenzjali għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni indispensabbli bejn iż-żewġ xtut tal-Mediterran u l-integrazzjoni kompetittiva u sostenibbli fis-suq dinji.

Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/13


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-promozzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli tal-ilma”

2011/C 259/03

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jitlob għat-tisħiħ tal-linji gwida għall-politika tal-UE u li jiġu adottati strumenti regolatorji tal-UE ġodda li jidentifikaw għanijiet tal-effiċjenza ċari u preċiżi għal kull settur ta’ attività li għandhom jiġu definiti fil-livell tal-baċir idrografiku minn kull wieħed mill-Istati Membri;

jitlob li l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-Effiċjenza tal-Ilma fil-Bini (“Water Efficiency in Building”) tiġi integrata mad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà li jiġu mmirati b'mod selettiv iż-żoni ġeografiċi li jbatu minn skarsezza tal-ilma;

jitlob għal leġislazzjoni li tidentifika b'mod omoġenju fuq skala Ewropea l-livelli kwalitattivi adatti biex jiggarantixxu l-użu mill-ġdid korrett tar-riżorsa tal-ilma għas-setturi differenti ta’ attività, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi differenti tal-Istati Membri;

iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jikkunsidraw il-ġestjoni konxja tar-riskju bħala l-aktar strument effikaċi li għandu jintuża f'każ ta’ avvenimenti estremi. L-investimenti futuri maħsubin għat-trażżin tal-effetti kkawżati minn dawn l-avvenimenti estremi għandhom jintużaw b'mod prijoritarju għall-iżvilupp ta’ infrastrutturi ħodor;

jenfasizza r-rwol prinċipali li jaqdu l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-ġbir tad-data ambjentali u jipproponi li l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa jiġi ttrasformat fl-Osservatorju Ewropew tal-Ilma;

jipproponi, anke b'rabta ma’ dak li titlob l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE, li l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsa tal-ilma, sa l-2020, tadotta l-miri konkreti u li jistgħu jiġu monitorjati li ġejjin: 1) żieda ta’ 20 % fl-iffrankar tal-ilma fis-setturi kollha ta’ użu; 2) żieda ta’ 20 % fil-passaġġi minn fejn jgħaddi l-ilma li ssirilhom naturalizzazzjoni mill-ġdid, inkluż it-tnaqqis tar-riskju ta’ għargħar; 3) żieda ta’ 20 % tal-volum tal-ilma li sal-lum ġie użat mill-ġdid u/jew riċiklat fl-attivitajiet agrikoli jew industrijali. F'dan ir-rigward, iħeġġeġ is-sehem dirett tal-Patt tas-Sindki.

Relatur

Is-Sur VENDOLA (IT/PSE), President tar-Reġjun tal-Puglia

Dokument ta’ referenza

Ittra tal-Presidenza Ungeriża tad-29 ta’ Ottubru 2010

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

huwa kuntent li ġie kkonsultat mill-Presidenza Ungeriża attwali tal-UE dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-promozzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli tal-ilma”, u jittama li fil-futur ikun involut aktar fl-għażliet politiċi u ta’ programmazzjoni b'rabta mal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma, bħala korp li jirrappreżenta lil dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom u, b'mod aktar ġenerali, għall-ħarsien tar-riżorsi naturali, fid-dawl tar-rwol li jassumu fid-definizzjoni ta’ mudelli tal-iżvilupp fit-tul;

2.

iħaddan ir-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-28 ta’ Lulju 2010 li tiddikjara li l-ilma huwa dritt invjolabbli tal-bniedem, dritt li huwa universali, naturali u estensjoni koerenti tad-dritt għall-ħajja. Ir-riżoluzzjoni tirrikonoxxi li d-dritt għall-ilma tax-xorb sigur u nadif u għall-kundizzjonijiet iġjeniċi tajbin huwa dritt tal-bniedem li hu essenzjali biex wieħed igawdi bis-sħiħ il-ħajja u d-drittijiet kollha tal-bniedem (“recognises the right to safe and clean drinking water and sanitation as a human right that is essential for the full enjoyment of life and all human rights”) (1);

3.

jemmen li r-riżorsi tal-ilma, bħala wirt limitat tal-umanità essenzjali għas-sopravivenza ta’ kulma jgħix u tal-ekosistemi naturali, ma jistgħux ikunu soġġetti għal-loġika tas-suq u għar-regoli tal-kompetizzjoni, u huwa dmir konxju ta’ kull bniedem li jirrispetta u jħares dan il-ġid biex jiġi garantit għall-ġenerazzjonijiet futuri;

4.

jirrikonoxxi d-dimensjoni etika u ekoloġika tal-ilma u, konsegwentement, jagħraf ir-rispett tad-drittijiet intrinsiċi relatati mal-esiġenzi idriċi ta’ kull komunità morali, ħajja jew le. Jemmen li huwa indispensabbli li jiġu definiti mudelli parteċipattivi għall-ġestjoni tar-riżorsa tal-ilma, li hija servizz pubbliku essenzjali u ta’ interess ġenerali: dawn il-mudelli għandhom jiggarantixxu s-sostenibbiltà sħiħa ta’ din ir-riżorsa u l-integrazzjoni koerenti tagħha f'kull politika oħra li tagħmel referenza għall-iżvilupp sostenibbli;

5.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli għall-ġestjoni taż-żoni pubbliċi. Dan ifisser li huma responsabbli għal oqsma ta’ politika li huma rilevanti għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, fosthom il-ġestjoni tat-territorju, l-infrastruttura, il-politika tal-mobbiltà, il-liċenzji, il-ġestjoni tal-agrikoltura u l-pajsaġġ, l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-ħarsien mill-għargħar u t-turiżmu. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli wkoll għas-sinerġiji bejn dawn l-oqsma ta’ politika, u b'hekk jaħdmu b'mod integrat, billi jqisu kuntest ta’ ppjanar territorjali li jimplika wkoll żvilupp soċjali u ekonomiku adegwat tar-reġjuni. F'bosta pajjiżi Ewropej, ħafna minn dawn l-awtoritajiet huma responsabbli wkoll għall-provvista pubblika tar-riżorsi tal-ilma kif ukoll għall-ġestjoni tal-ilma tad-dranaġġ. Għaldaqstant, huwa vitali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti mill-qrib fil-politika Ewropea futura tal-ilma;

6.

jaqbel mal-ħtieġa li l-UE tagħti bidu għal staġun Ewropew ġdid b'rabta mar-riżorsa tal-ilma, u jittama li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti b'mod dirett u attiv fid-definizzjoni mill-ġdid, il-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tad-direttivi u l-istrateġiji li jeżistu diġà (Direttiva Qafas dwar l-Ilma, Direttiva dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art, Direttiva dwar l-Għargħar, Strateġija għall-Iskarsezza tal-Ilma u l-Perjodi ta’ Nixfa) jew li qed jitħejjew bħalissa (il-proposti u l-miri tal-UE relatati mal-adattament għat-tibdil fil-klima), sa mill-fażi tal-abbozzar tal-Blueprint għall-Protezzjoni tal-Ilmijiet Ewropej, sabiex tiġi garantita parteċipazzjoni pubblika wiesgħa;

7.

jemmen li ż-żieda fil-pressjoni mill-azzjonijiet tal-bniedem fuq ir-riżorsi tal-ilma, li tikkawża effetti gravi (għajbien tal-ekosistemi, telf tal-bijodiversità, tnaqqis fil-kapaċità tal-ħamrija li żżomm l-ilma, degradazzjoni tal-ħamrija, tibdil fil-klima, eċċ.), tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni u ta’ ħarsien li jinvolvu l-firxa kollha tal-politiki tal-Unjoni fl-oqsma tal-ilma, l-enerġija, il-biedja, it-trasport, l-iskart, it-turiżmu, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, permezz ta’ approċċ integrat minflok approċċ settorjali;

8.

jittama li l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, jiddefinixxu politika ċara tal-ipprezzar tal-ilma (“water pricing”), b'konformità mal-prerogattivi nazzjonali u lokali, waqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi differenti kif ukoll l-aspetti soċjali u ambjentali relatati. Din il-politika għandha tkun ibbażata mhux biss fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” (“polluter pays”) li diġà jeżisti fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, iżda wkoll, fejn meħtieġ, fuq il-prinċipju ta’ “min jaħli jħallas” (“over user pays”), għaliex huwa permezz ta’ dan li tista' tintradd id-disponibbiltà ambjentali mitlufa. Miżura ta’ din ix-xorta, jekk tkun appoġġjata minn kampanja edukattiva ambjentali adegwata, twassal biex l-utenti jkunu iżjed konxji mill-provvista tal-ilma, anke fir-rigward tal-użu ta’ prodotti li jniġġsu ħafna (bħalma huma r-residwi tal-mediċini, il-prodotti kosmetiċi, il-pestiċidi, eċċ.), u tista' twassal għal ġestjoni tal-ilma komplessivament aktar effiċjenti u effikaċi, anke mil-lat finanzjarju;

9.

jirrikonoxxi li l-għarfien xjentifiku u l-innovazzjoni teknoloġika għandhom rwol prinċipali fit-tfassil tal-prattiki avvanzati tal-ġestjoni taċ-ċiklu tal-ilmijiet, li hu element essenzjali u prerekwiżit għall-ippjanar ta’ miżuri infrastrutturali ġodda. Fl-istess waqt, ir-riċerka u l-innovazzjoni wkoll jistgħu jkunu muturi sinifikanti tat-tkabbir u tal-impjiegi fl-industrija ekoloġika;

10.

jemmen li l-kwistjoni tal-ilma għandha titqies f'kuntest usa'. Din ma tinkludix biss l-iskarsezza tal-ilma u l-għargħar, iżda wkoll theddid magħruf ieħor relatat mal-ilma li jirriżulta mit-tibdil fil-klima, bħall-intensità tal-preċipitazzjoni u ż-żieda fil-livelli tal-baħar kif ukoll theddid li għadu mhux magħruf;

Iċ-ċiklu tal-ilma bħala ċ-ċentru tal-politiki ta’ adattament għat-tibdil fil-klima

11.

jenfasizza li s'issa, fid-dibattitu dwar it-tibdil fil-klima, ir-riżorsa tal-ilma għadha ma ġietx identifikata bħala parti fundamentali mill-ekosistema, li l-protezzjoni u l-ħarsien tiegħu huma prerogattiva essenzjali u prerekwiżit għal kull azzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Jikkonferma r-rieda tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li jassumu rwol responsabbli u proattiv fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni (2);

12.

huwa konxju li l-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-baġit idroloġiku ser ikollhom konsegwenzi soċjoekonomiċi rilevanti fuq it-territorju kollu tal-UE, biż-żieda fil-frekwenza u l-intensità tal-avvenimenti estremi. Sabiex dawn jitrażżnu, hemm bżonn ta’ approċċ integrat u solidali li jinvolvi l-firxa kollha tal-politiki Komunitarji, approċċ li jmur lil hinn mid-dimensjoni ġeografika, ekonomika u soċjali tal-korp jew tas-settur ikkonċernat. Għal dan il-għan, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni xjentifika, fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, sabiex jiġu analizzati r-rabtiet bejn il-kawża u l-effett li jwasslu għal fenomeni klimatiċi (għargħar u perjodi ta’ nixfa) tant estremi fl-Ewropa;

13.

huwa konxju tal-effetti differenti li t-tibdil fil-klima jipproduċi b'rabta mar-riżorsi tal-ilma fi ħdan ir-reġjuni tal-UE. Dan jirriżulta f'differenzi sinifikanti bejn ir-reġjuni fl-Unjoni Ewropea minħabba l-problemi li jesperjenzaw bl-ilma fir-rigward tal-kwantità (eċċess jew skarsità) u l-perjodi tas-sena meta jinqalgħu l-problemi (għargħar jew perjodi ta’ nixfa). Il-miżuri ta’ adattament, li jridu jqisu l-karatteristiċi ġeografiċi, ekonomiċi u soċjali differenti tar-reġjuni tal-UE, għandhom ikunu flessibbli u jinbdew permezz ta’ implimentazzjoni rigoruża tal-prinċipju tas-sussidjarjetà (3);

14.

huwa konxju li t-tibdil fil-klima ser jibdel u jikkundizzjona, għalkemm fuq skali differenti, id-disponibbiltà tal-ilma fir-reġjuni Ewropej u, b'konsegwenza ta’ hekk, ser jinħoloq kunflitt ġdid u akbar bejn id-diversi utenti u aktarx ser jiżdiedu l-fenomeni migratorji, b'mod partikolari fir-reġjuni ultraperiferiċi, li jinsabu f'żoni ġeografiċi vulnerabbli ħafna;

15.

filwaqt li japprezza l-impenn tal-UE fil-politiki globali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima kkawżat mill-azzjonijiet tal-bniedem, jikkunsidra li l-ġestjoni korretta tar-riżorsi tal-ilma hija strument indispensabbli u effikaċi fil-ħidma għat-tnaqqis tal-produzzjoni tas-CO2 u fil-promozzjoni ta’ mudelli tat-tkabbir sostenibbli li jħeġġu l-użu effiċjenti tar-riżorsi naturali u tal-enerġija;

16.

iqis li l-identifikazzjoni ta’ proċeduri affidabbli għall-istima tad-disponibbiltà mistennija tal-ilma hija element konoxxittiv indispensabbli għad-definizzjoni korretta tal-politiki Ewropej tal-ilma u tal-ambjent, u huwa konxju tal-ħtieġa li jiġu integrati r-riżultati miksuba minn mudelli klimatiċi applikati f'livell kontinentali u minn mudelli tal-ilma f'livell reġjonali u lokali;

17.

jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jżidu l-produzzjoni tal-enerġija nadifa (“green power”), u jieħdu kull azzjoni utli biex jitwaqqfu impjanti idroelettriċi, li ma għandhom l-ebda emissjoni tas-CO2, f'każijiet fejn il-kundizzjonijiet morfoloġiċi, ekonomiċi u ambjentali, b'mod partikolari l-ekoloġija tal-ilma, u d-dispożizzjonijiet tad-direttiva qafas dwar l-ilmijiet, kif ukoll l-aspetti ekonomiċi u n-navigabbiltà taż-żoni tal-ilma jippermettu dan;

18.

iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jillimitaw it-tniġġis termali tal-ilma u biex inaqqsu kemm jista' jkun l-użu tal-ilma għat-tkessiħ fl-impjanti industrijali u tal-enerġija, speċjalment meta dan jikkawża problemi jew bid-disponibbiltà tal-ilma jew bil-bijodiversità jew is-saħħa pubblika;

19.

b'rabta mal-azzjonijiet għall-mitigazzjoni tal-effetti tal-kriżijiet tal-ilma, jemmen li l-investimenti ġodda għall-infrastruttura idrika tat-territorju jistgħu jitqiesu miżura ta’ adattament biss jekk id-domanda tkun qrib id-disponibbiltà, għaliex diversi għażliet teknoloġiċi u tal-ġestjoni ġodda, skont il-kundizzjonijiet lokali, jistgħu jwasslu biex tiżdied id-disponibbiltà mingħajr ma jiġi astratt aktar ilma;

20.

huwa konxju tar-rwol li għandhom jaqdu l-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu lin-nies konxji tal-fatt li ċ-ċiklu tal-ilma għandu importanza ċentrali bħala prinċipju li fuqu jissejsu l-istrateġiji tal-ġestjoni tal-ilma, sabiex jiġu identifikati soluzzjonijiet effikaċi u kondiviżi għall-adattament għat-tibdil fil-klima u jiġi promoss l-iskambju tal-esperjenzi bejn id-diversi entitajiet lokali;

Il-bilanċ bejn id-domanda u l-provvista tal-ilma fir-rispett tal-esiġenzi ambjentali u b'konformita mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma

21.

jaħseb li l-ippjanar tal-interventi u tal-azzjonijiet maħsuba biex itejbu l-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma għandu bilfors ikun proċess b'diversi għanijiet, li jikkunsidra l-bosta atturi direttament jew parzjalment ikkonċernati, u li jissejjes fuq il-prinċipji tan-natura pubblika tar-riżorsi tal-ilma, l-ekwità, il-kwalità ambjentali, is-saħħa pubblika, ir-rwol soċjali tal-ilma u s-sigurtà soċjali;

22.

huwa konxju li l-użu tar-riżorsi tal-ilma b'mod korrett u li jirrispetta l-etika ambjentali jista' jsir bl-applikazzjoni tal-aħjar prattiki għall-astrazzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu tal-ilma, bil-kundizzjoni li jkun disponibbli u ekonomikament fattibbli, filwaqt li jkun hemm ġestjoni b'saħħitha u flessibbli sabiex jintlaħaq bilanċ fuq perjodu medju ta’ żmien bejn l-esiġenzi ambjentali u dawk tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

23.

jitlob għat-tisħiħ tal-linji gwida għall-politika tal-UE u li jiġu adottati strumenti regolatorji tal-UE ġodda li jidentifikaw għanijiet tal-effiċjenza ċari u preċiżi għal kull settur ta’ attività (domestiku, industrijali, agrikolu, akkwakulturali, turistiku u idroelettriku u dak marbut mat-trobbija tal-ħut), li għandhom jiġu definiti fil-livell tal-baċir idrografiku minn kull wieħed mill-Istati Membri;

24.

jemmen li l-ippjanar tal-użu tar-riżorsa tal-ilma, li għandu jiġi implimentat permezz tal-pjani ta’ mmaniġġjar tal-baċiri tax-xmajjar (RBMPs), anke bi prijorità temporali diversa fir-rigward taċ-ċirkostanzi partikolari tal-Istati Membri diversi, huwa proċess inevitabbli li fih l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jniedu sinerġiji f'perspettiva ta’ solidarjetà u sostenibbiltà, b'konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, filwaqt li jiġu sodisfatti l-akbar numru ta’ funzjonijiet ambjentali mingħajr ma tiġi ssagrifikata r-riproduċibbiltà fit-tul u mingħajr ma titnaqqas l-aċċessibbiltà għall-użijiet leġittimi u għal dawk li jistħoqqilhom il-ħarsien;

25.

jaħseb li t-trasferimenti tal-ilma bejn il-baċiri tax-xmajjar, li fosthom għandhom prijorità dawk fi ħdan l-Istati Membri, għandhom jitqiesu bħala parti minn strateġija reġjonali komprensiva ta’ ġestjoni li għandha titfassal b'mod li tħares is-sostenibbiltà idroloġika, idroġeoloġika, ambjentali, soċjoekonomika u tkun immirata lejn id-distribuzzjoni ekwa ta’ riżorsa limitata u għandhom ikunu soġġetti għal valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati;

26.

iqis li sabiex jiġu definiti b'mod korrett l-istrateġiji tal-adattament għaż-żieda fid-domanda tal-ilma u għall-ispeċifiċitajiet territorjali, huwa essenzjali li wieħed ikun jaf is-sistemi tal-ilma b'mod sħiħ: mid-dinamiċi idroloġiċi tal-ilma naturali sal-evalwazzjoni tal-effiċjenza tas-sistemi tal-ġbir, tat-trasport u tal-użu;

27.

iħeġġeġ li jiġu adottati programmi ġodda ta’ investiment fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali tal-UE li jagħtu preferenza lill-miżuri fit-tul, sabiex b'hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħmlu pjani ġodda ta’ żvilupp infrastrutturali fil-qasam tal-ilma biss wara l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ programm strutturat ta’ miżuri marbuta mal-ġestjoni tal-ilma; barra minn hekk, il-proċessi tad-desalinizzazzjoni, li jikkonsmaw ħafna enerġija, għandhom jiġu kkunsidrati bħala possibbiltà fil-każijiet fejn il-benefiċċji tagħhom ikunu akbar mill-impatt ambjentali kbir li għandhom. Il-Kumitat jirrakkomanda li tintuża struttura ta’ governanza f'diversi livelli sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti bl-aħjar mod fl-iżvilupp tal-programmi nazzjonali;

28.

jaqbel li hija prijorità li tintlaħaq l-effiċjenza tal-ilma fil-miżuri maħsuba għall-iffrankar (ġerarkija tal-ilma (4) u jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-Effiċjenza tal-Ilma fil-Bini (“Water Efficiency in Building”) li jixtieq li tiġi integrata mad-Direttiva dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (5) bil-għan li jiġu promossi kuntesti urbani u binjiet imnebbħa mill-prinċipji tal-ekosostenibbiltà. Għandu jkun possibbli li jiġu mmirati b'mod selettiv il-ħtiġijiet marbuta mal-effiċjenza tal-ilma fil-bini fiż-żoni ġeografiċi li jbatu minn skarsezza tal-ilma;

29.

jimpenja ruħu li jippromovi l-użu ta’ riżorsi tal-ilma mhux konvenzjonali, filwaqt li tiġi promossa l-kultura tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ f'kull qasam, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi u l-objettivi diversi li l-Istati Membri għandhom dwar dan is-suġġett, bis-saħħa tal-adozzjoni u l-kuntestwalizzazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet reġjonali u lokali ta’ strumenti ekonomiċi u fiskali għall-appoġġ tal-attivitajiet produttivi sostenibbli, anke biex jitnaqqas, fejn meħtieġ, l-użu tal-ilma ta’ taħt l-art;

30.

jaħseb li hemm bżonn li fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) il-ġdida jiddaħħlu prinċipji ta’ kundizzjonalità rigward it-tixrid ta’ modi tajbin tal-ġestjoni tal-ilma, li jobbligaw id-definizzjoni ta’ użijiet agrikoli u prattiki tal-irrigazzjoni li jkunu adatti għad-disponibbiltà tal-ilma fit-territorju;

31.

jipproponi li parti mill-fondi disponibbli fil-PAK il-ġdida jintużaw biex jippromovu l-iffrankar tal-ilma fl-agrikoltura permezz tal-adozzjoni ta’ strumenti ekonomiċi u fiskali li jkunu ta’ inċentiv għall-użu ta’ agrikoltura b'effiċjenza idrika għolja (“more crop per drop”), u biex jippromovu l-miżuri maħsuba għall-konservazzjoni u r-riġenerazzjoni ambjentali tar-raba' sabiex titħeġġeġ il-konservazzjoni tal-imsaġar u tal-artijiet mistagħdra u jiġu limitati d-degradazzjoni u l-erożjoni tal-ħamrija, u b'hekk jiġu limitati l-fenomeni tad-deżertifikazzjoni u tal-intrużjoni tal-ilma baħar fil-ħażna tal-ilma ta’ taħt l-art tul il-kosta;

32.

jemmen li ma tistax tiddewwem aktar l-adozzjoni ta’ leġislazzjoni li, filwaqt li tikkondividi l-għanijiet ta’ effiċjenza u effikaċja fl-użu tar-riżorsa tal-ilma permezz tal-irkupru u l-użu mill-ġdid, tidentifika b'mod omoġenju fuq skala Ewropea l-livelli kwalitattivi adatti biex jiggarantixxu l-użu mill-ġdid korrett tar-riżorsa tal-ilma għas-setturi differenti ta’ attività u f'kull kundizzjoni; dan jiżgura approċċ għall-irkupru u l-użu mill-ġdid tar-riżorsa tal-ilma li jikkonforma bis-sħiħ mal-objettivi, filwaqt li jikkunsidra l-fatt li l-karatteristiċi differenti tal-Istati Membri jfissru li mhux kollha kemm huma mistennija jieħdu l-istess azzjoni;

Il-ġestjoni tal-avvenimenti estremi, anke bl-użu ta’ tipi ġodda ta’ miżuri

33.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jikkunsidraw il-ġestjoni konxja tar-riskju bħala l-aktar strument effikaċi li għandu jintuża f'każ ta’ avvenimenti estremi, strument li jegħleb il-kultura li tqis li l-aħjar ġestjoni possibbli tal-emerġenzi hija l-għan li għandu jiġi mmirat (mill-ġestjoni tal-kriżi għall-ġestjoni tar-riskju);

34.

jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, kull wieħed u waħda minnhom skont il-prerogattivi u l-kompetenzi tagħhom, biex b'konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Għargħar (2007/60/KE) jippromovu l-koordinazzjoni aħjar bejn l-istrutturi tekniċi operattivi tal-protezzjoni ċivili u dawk tad-dipartimenti u/jew aġenziji ambjentali li jieħdu ħsieb il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju tas-sistemi idrawliċi bil-għan li jiskambjaw u jikkondividu l-għarfien u l-kompetenzi; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex, fejn huwa possibbli, jniedu proġetti ta’ kooperazzjoni transkonfinali (bejn l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi), fil-livell tal-baċiri tax-xmajjar internazzjonali, b'konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttva dwar l-Għargħar (2007/60/KE);

35.

jemmen li l-politika tal-ilma għandha tkun ibbażata fuq tliet elementi: il-ħżin, iż-żamma u t-tinxif (storing, containment and drainage). Dan jagħmilha possibbli li jitnaqqsu l-perjodi b'konċentrazzjonijiet kbar fiċ-ċiklu tal-ilma, biex b'hekk l-ilma żejjed ikun jista' joħroġ b'mod naturali filwaqt li jkun hemm biżżejjed ilma disponibbli għall-perjodi ta’ skarsezza;

36.

jaħseb li huwa indispensabbli li tingħata prijorità lill-azzjonijiet immirati lejn il-prevenzjoni u t-trażżin tal-effetti tal-avvenimenti estremi bis-saħħa tal-valorizzazzjoni u l-irkupru tal-ambjent naturali, għaliex huwa konxju li dan it-tip ta’ miżura, li tippreserva l-bijodiversità u li taħdem għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sistema idrawlika naturali tal-baċiri tax-xmajjar permezz tal-użu sostenibbli tat-territorju, tirrappreżenta strument effikaċi immens, biex tkun kontrollata l-problema li qed tikber tal-“issiġillar” tal-ħamrija, anke għall-mitigazzjoni tal-effetti kkawżati mit-tibdil fil-klima;

37.

jemmen li waħda mill-miżuri preventivi hija l-ħolqien ta’ iżjed spazju għas-sistema tal-ilma, pereżempju bil-ħolqien ta’ żoni addizzjonali ta’ ilmijiet miftuħa, iżda anke b'użijiet differenti tal-art, fejn l-ilma jkollu post flimkien ma’ użijiet oħrajn tal-art, bħad-djar, ix-xogħol, il-mobbiltà, id-divertiment u n-natura. Dan huwa kompitu importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;

38.

jittama li l-UE u l-Istati Membri jagħtu r-rilevanza ġusta lill-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, li hu strument indispensabbli ta’ solidarjetà ekonomika u soċjali f'każ ta’ avvenimenti estremi, filwaqt li jadattaw ir-regoli tal-aċċess u l-modi ta’ ġestjoni sabiex jiġi garantit l-użu sħiħ tiegħu;

Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali b'rabta mal-governanza u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali

39.

jemmen li, b'konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar, il-metodu tal-ippjanar tal-baċir tax-xmara, li għandu jitqies bħala l-unità ta’ analiżi ambjentali, territorjali u ekonomika, huwa l-approċċ it-tajjeb biex jiggarantixxi livell omoġenju ta’ ħarsien tar-riżorsi tal-ilma madwar it-territorju kollu tal-UE;

40.

jemmen li, fil-kuntest tal-RBMPs u tal-ġestjoni parteċipattiva u kondiviża tar-riżorsi tal-ilma, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jwasslu t-talbiet u l-esiġenzi tal-popolazzjonijiet, għandu jkollhom rwol operattiv, ta’ programmazzjoni, ta’ kontroll, filwaqt li l-kompitu li jiġu identifikati l-linji gwida politiċi u l-prijorità tal-ġestjoni jitħallew f'idejn l-UE u l-Istati Membri, ilkoll skont il-prerogattivi tagħhom;

41.

jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-proċess ta’ verifika u kontroll tal-istat tal-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej b'rabta mar-riżorsi tal-ilma, għaliex huwa biss l-involviment dirett u parteċipattiv tal-awtoritajiet lokali li jiggarantixxi s-suċċess tal-azzjonijiet ta’ ħarsien u ta’ protezzjoni, li joħolqu sens ta’ appartenenza għat-territorju u rispett konxju tar-riżorsi naturali preżenti;

42.

iħeġġeġ l-użu ta’ strumenti legali u finanzjarji eżistenti jew imminenti (pjani ta’ mmaniġjar tal-baċiri tax-xmajjar, programmi tal-iżvilupp rurali u ta’ koeżjoni, Fondi Strutturali, eċċ.), li jkunu kapaċi jorjentaw il-“governanza” tad-distretti tal-baċiri tax-xmajjar u jevalwaw kull aspett marbut magħha (kwalità u kwantità tar-riżorsa, navigazzjoni u trasport, enerġija) b'mod integrat u interdipendenti, anke fir-rigward tal-ġestjoni kondiviża tal-ilmijiet transkonfinali;

43.

jemmen li l-Istrateġija reċenti tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju hija mudell ta’ kooperazzjoni transnazzjonali u ta’ ġestjoni tal-ilma li tista' tiġi riprodotta, hija konformi mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u sostenibbli għalkollox mil-lat soċjoambjentali. Jittama li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jiġu involuti b'mod dirett fl-implimentazzjoni tagħha;

44.

jenfasizza r-rwol prinċipali li jaqdu l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-ġbir tad-data ambjentali (6) (li għandu jingħata kontribut fundamentali permezz tal-programm GMES), u jipproponi li l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa jiġi ttrasformat fl-Osservatorju Ewropew tal-Ilma u jiġu estiżi l-kompetenzi tiegħu biex jinkludu l-validazzjoni u l-omoġenizzazzjoni tal-informazzjoni disponibbli dwar l-istat tar-riżorsi tal-ilma Ewropej;

45.

jemmen li, sabiex tingħata dimensjoni soċjoekonomika lis-servizzi ekosistemiċi u tiddaħħal b'mod effikaċi strateġija ambjentali li tmur “lil hinn mill-PDG” fil-kuntest tal-UE, hemm bżonn jiġu garantiti l-koerenza, it-trasparenza u l-affidibbiltà tal-informazzjoni u l-indikaturi relatati mal-istat tal-ambjent u tar-riżorsi tal-ilma (7);

Konklużjonijiet

46.

b'rabta mal-inizjattiva ewlenija “Ewropa b”użu effiċjenti tar-riżorsi', jittama li kemm fid-definizzjoni tal-approċċ kif ukoll fl-identifikazzjoni tal-istrumenti operattivi jkun jista' jagħti l-kontribut tiegħu, anke permezz tal-Pjattaforma tiegħu għall-Monitoraġġ tal-Istrateġija Ewropa 2020, għall-azzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea fl-oqsma tar-riżorsi tal-ilma, l-enerġija u l-iskart, għaliex huwa konxju li l-aspetti ambjentali marbutin magħhom huma strettament interdipendenti;

47.

ifakkar li l-politiki marbuta mal-kwalità tal-ilma jaffettwaw il-kwantitajiet disponibbli u l-użijiet possibbli tagħhom, għalhekk jitlob li dan l-aspett ma jiġix traskurat. F'dan il-kuntest, huwa ta’ għajnuna li tittieħed azzjoni kmieni kemm jista' jkun, b'mod partikolari fir-rigward tal-politika tal-prodott, sabiex l-impatt tal-prodotti fuq il-kwalità tal-ilma jkun jista' jiġi eżaminat tul l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja u l-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali;

48.

jimpenja ruħu li jagħti l-akbar attenzjoni biex l-investimenti futuri, sew Ewropej u sew nazzjonali, maħsubin għat-trażżin tal-effetti kkawżati mill-avvenimenti estremi (għargħar u perjodi ta’ nixfa), inklużi dawk ikkawżati mit-tibdil fil-klima, jintużaw b'mod prijoritarju għall-iżvilupp ta’ “infrastrutturi ħodor” (żoni ta’ tifwir kontrollat, baċiri naturali għaż-żamma tal-ilma, miżuri ta’ riforestazzjoni u konservazzjoni tal-ambjent fil-muntanji, irkupru tax-xtut tax-xmajjar u tal-artijiet mistagħdra, sistemazzjoni u stabbilizzazzjoni tal-inklinazzjonijiet, eċċ.) b'tali mod li titħares is-sistema idrawlika tat-territorju u, fl-istess ħin, tiġi konservata l-bijodiversità, jiġu rkuprati r-riżorsi naturali u jiġu offruti opportunitajiet turistiċi u ta’ xogħol ġodda. Jekk il-miżuri ta’ “infrastruttura ħadra” ma jkunux effettivi jew iċ-ċirkostanzi lokali ma jippermettuhomx, “l-infrastruttura griża” (barrieri artifiċjali, passaġġi għall-ilma żejjed [overflow channels], digi, eċċ.) tkun meħtieġa għall-protezzjoni tal-art, tan-nies u tal-ekonomija mill-għargħar;

49.

jitlob li, fil-kuntest tal-Programm Qafas tar-Riċerka tal-UE, jitħeġġu l-azzjonijiet ta’ trasferiment xjentifiku u teknoloġiku li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda li jkunu kapaċi mhux biss iżidu l-kompetittività Ewropea iżda wkoll jiżguraw l-effiċjenza u l-innovazzjoni fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma;

50.

itenni dak li diġà qal dwar il-possibbiltà li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jużaw b'mod dirett ir-riżorsi ekonomiċi, li jkunu ġejjin mil-limiti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra, sabiex jiffinanzjaw il-programmi lokali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (8), filwaqt li jimpenjaw ruħhom li jagħmlu lin-nies aktar konxji tal-valur intrinsiku tal-ilma, kemm bl-introduzzjoni tal-marka idrika fuq il-prodotti, bl-inkoraġġiment tas-sistemi ta’ ġestjoni ambjentali (EMAS) fil-proċessi produttivi li jużaw ħafna ilma, kif ukoll bit-tnedija ta’ kampanji ta’ informazzjoni u edukazzjoni dwar l-ambjent sa mill-kindergarten;

51.

jipproponi, anke b'rabta ma’ dak li titlob l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE, li l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsa tal-ilma, sa l-2020, tadotta l-miri konkreti u li jistgħu jiġu monitorjati li ġejjin: 1) żieda ta’ 20 % fl-iffrankar tal-ilma fis-setturi kollha ta’ użu; 2) żieda ta’ 20 % fil-passaġġi minn fejn jgħaddi l-ilma li ssirilhom naturalizzazzjoni mill-ġdid, inkluż it-tnaqqis tar-riskju ta’ għargħar; 3) żieda ta’ 20 % tal-volum tal-ilma li sal-lum ġie użat mill-ġdid u/jew riċiklat fl-attivitajiet agrikoli jew industrijali. F'dan ir-rigward, iħeġġeġ is-sehem dirett tal-Patt tas-Sindki.

Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Riżoluzzjoni tan-NU A/RES/64/292 tat-28.7.2010.

(2)  Opinjoni tal-KtR dwar il-“White Paper – Nadattaw għall-bidla fil-klima: lejn qafas Ewropew għal azzjoni”, CdR 72/2009 fin.

(3)  White Paper – L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni, COM(2009) 147 finali.

(4)  Komunikazzjoni dwar l-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa fl-Unjoni Ewropea – COM(2007) 414 finali.

(5)  Direttiva 2010/31/UE tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.

(6)  Opinjoni tal-KtR dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika ambjentali tal-ġejjieni”, CdR 164/2010 fin.

(7)  Kummissjoni Ewropea, It-Tielet Rapport ta’ Segwitu għall-Komunikazzjoni li tindirizza l-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa fl-Unjoni Ewropea, COM(2011) 133 finali.

(8)  CdR 164/2010 fin.


2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/19


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni”

2011/C 259/04

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

itenni l-appoġġ tiegħu favur il-kisba tal-miri ta’ kompetittività u ta’ innovazzjoni sal-2020, u jirrikonoxxi li, sabiex dawn il-miri jkunu jistgħu jintlaħqu, jeħtieġ li jitkompla l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

jirrikonoxxi l-importanza li jinstab bilanċ bejn l-innovazzjoni teknoloġika, dik soċjali u dik tas-settur pubbliku;

ifakkar li huwa importanti ħafna li l-ħiliet jiżdiedu u jikkonformaw aktar mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol;

jissottolinja r-rwol potenzjali tal-universitajiet fl-għajnuna tagħhom biex iwasslu r-riżultati tar-riċerka fis-suq permezz tal-integrazzjoni tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u n-negozju; jinnota f’dan ir-rigward l-importanza ta’ ambjent lokali u reġjonali ta’ appoġġ;

japprezza r-rwol prinċipali tal-infrastrutturi tar-riċerka fis-sistemi tal-innovazzjoni bbażati fuq l-għarfien; jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward il-kunċett il-ġdid ta’ strutturi ta’ sħubijiet reġjonali;

jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal tal-kooperazzjoni transkonfinali, inkluż l-investiment lejn u ’l barra mill-UE;

itenni li, biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-effett ta’ lieva tal-Fondi Strutturali, ir-reġjuni u l-Istati Membri għandhom ikunu rigorużi huma u jistabbilixxu koerenza adegwata bejn l-istrateġiji lokali u reġjonali, il-pjani ta’ riforma nazzjonali, l-oqfsa strateġiċi ta’ referenza nazzjonali u l-programmi operattivi implimentati skont il-politika Ewropea ta’ koeżjoni, b’konformità mal-qafas strateġiku komuni Ewropew għar-riċerka u l-istrateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni reġjonali intelliġenti;

Relatur

Roger KNOX (UK/EA), Depute Provost (Viċi Sindku) fi ħdan il-Kunsill ta’ East Lothian

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni

COM(2010) 546 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni, espressa mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni”, li jiġi adottat approċċ ħafna aktar strateġiku għall-innovazzjoni bħala objettiv ġenerali ta’ politika, minn perspettiva ta’ perjodu ta’ żmien medju u twil, b’tali mod li l-politiki tal-UE u dawk nazzjonali, reġjonali u lokali jkunu allinjati mill-qrib u jsaħħu lil xulxin;

2.

jirrikonoxxi, f’dan ir-rigward, li huwa importanti li jiġu identifikati l-aktar oqsma promettenti mil-lat tal-vantaġġ komparattiv li jipprovdu, ħalli jservu ta’ bażi biex jiġu definiti strateġiji intelliġenti ta’ speċjalizzazzjoni reġjonali; jagħraf, fl-istess ħin, li xi reġjuni jistgħu jiddistingwu ruħhom f’aktar minn qasam wieħed;

3.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni tenfasizza bil-qawwa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma msieħba kruċjali biex jimplimentaw il-prijoritajiet tal-Unjoni tal-Innovazzjoni. L-awtoritajiet huma l-eqreb taċ-ċittadini, tal-kumpaniji, speċjalment tal-SMEs, u tal-istituzzjonijiet tal-għarfien u għalhekk jistgħu jfasslu u jikkoordinaw firxa ta’ strumenti ta’ politika, bil-għan li jiġi promoss l-għarfien li jkun l-iktar adatt għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali;

4.

isejjaħ għal definizzjoni ċara u aċċettata b’mod wiesa’ ta’ innovazzjoni u eċċellenza;

5.

jenfasizza l-bżonn li jkun hemm fehim aħjar tar-rwol tar-reġjuni li, apparti li japplikaw il-politiki tal-UE, jistgħu jiżviluppaw viżjonijiet u jistabbilixxu objettivi;

6.

japprezza r-referenza għall-innovazzjoni soċjali, inkluża l-innovazzjoni fis-settur pubbliku, u jagħraf l-isforzi ta’ spiss eċċellenti li jsiru mill-korpi pubbliċi u mis-settur tal-ekonomija soċjali (kooperattivi, soċjetajiet reċiproċi, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet) fl-UE kollha biex jinnovaw il-prattiki tagħhom fid-dawl tar-restrizzjonijiet finanzjarji reċenti sabiex jilħqu l-bżonnijiet li ma jitqiesux mis-suq u mill-forom konvenzjonali tal-intraprenditorija. Jappella biex l-innovazzjoni soċjali titqies aktar fil-programmi ta’ finanzjament u appoġġ bħall-Fond Soċjali Ewropew, il-Programmi Qafas u l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP);

7.

jistieden li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet li jintużaw il-patti territorjali biex jinkisbu l-prijoritajiet prinċipali tal-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni” u jenfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn dawk responsabbli għall-Unjoni tal-Innovazzjoni u l-Kumitat tar-Reġjuni;

8.

jenfasizza r-rwol kruċjali tal-ekoinnovazzjoni u jappoġġja s-sejħa tal-Parlament Ewropew li jiġi adottat Pjan ta’ Azzjoni ambizzjuż relatat mal-ekoinnovazzjoni li jipproponi miżuri biex l-ekoinnovazzjoni tiġi introdotta fil-fażijiet kollha tal-katina tal-valur, inklużi t-tfassil u ż-żieda tal-fondi għall-inizjattivi f’dan il-qasam permezz tal-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni;

9.

jiddispjaċih li l-preżentazzjoni tal-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni” ma ġietx akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt baġitarju tal-miżuri proposti;

10.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni dwar il-Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020 (COM(2010) 553) u d-dokument relatat (SEC(2010) 1183) li jindirizzaw id-dimensjoni reġjonali tal-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni”;

11.

iqis li, minħabba l-34 impenn propost, l-azzjonijiet previsti fl-inizjattiva “Unjoni tal-Innovazzjoni” għandhom jitniżżlu skont il-prijorità, sabiex titħaffef l-implimentazzjoni, jinkisbu riżultati konkreti u jiġi enfasizzat il-bżonn li tittieħed azzjoni b’mod urġenti. F’dan ir-rigward jissuġġerixxi: (a) sinerġiji bejn il-politiki ta’ koeżjoni u ta’ innovazzjoni; (b) partenarjati (sħubijiet) tal-innovazzjoni li jirrikonoxxu r-rwol tar-reġjuni; (c) bażi tal-għarfien u speċjalizzazzjoni intelliġenti; u (d) tressiq tal-ideat fis-suq;

12.

b’mod partikolari, jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għas-sitwazzjoni li jiffaċċjaw l-innovaturi u l-inventuri individwali li ma joperawx fi ħdan is-sistema universitarja, f’kumpaniji kbar jew awtoritajiet pubbliċi, f’amministrazzjonijiet jew intrapriżi. Ix-xogħol li għaddej attwalment f’dan il-qasam għandu jinkludi strateġiji li jipprovdu l-innovaturi u l-inventuri bl-appoġġ u l-opportunitajiet neċessarji biex japprofittaw mill-finanzjament konġunt tal-UE taħt l-istess kundizzjonijiet;

Fir-rigward tas-sinerġiji bejn il-politiki ta’ koeżjoni u ta’ innovazzjoni, il-KtR

13.

jaqbel mal-Kunsill u l-Parlament Ewropew dwar l-importanza li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-politiki tal-UE li jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni u dawk li jappoġġjaw il-koeżjoni;

14.

jappella li jissaħħu l-koerenza, l-armonizzazzjoni u l-komplementarjetà tal-politiki favur l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, waqt li jitqiesu l-karatteristiċi reġjonali;

15.

itenni li, biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-effett ta’ lieva tal-Fondi Strutturali, ir-reġjuni u l-Istati Membri għandhom ikunu rigorużi huma u jistabbilixxu koerenza adegwata bejn l-istrateġiji lokali u reġjonali, il-pjani ta’ riforma nazzjonali, l-oqfsa strateġiċi ta’ referenza nazzjonali u l-programmi operattivi implimentati skont il-politika Ewropea ta’ koeżjoni (1) b’konformità mal-qafas strateġiku komuni Ewropew għar-riċerka u l-istrateġiji tal-ispeċjalizzazzjoni reġjonali intelliġenti;

16.

ifakkar li l-politika ta’ koeżjoni taqdi rwol speċjali biex tappoġġja l-attività ta’ innovazzjoni fir-reġjuni; għalhekk jista’ jintuża wkoll il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-iffinanzjar tal-inkubaturi tan-negozji u l-parks xjentifiċi (l-infrastruttura u l-konnessjonijiet). Il-clusters huma partikolarment utli għall-SMEs, għaliex jipprovdu kuntest li jħeġġeġ rabtiet mal-universitajiet u n-negozji l-kbar, u jippermettilhom aċċess għan-netwerks internazzjonali ta’ kummerċ (2);

17.

jemmen li bl-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni”, jista’ jitjieb il-mod kif il-kompiti u r-responsabbiltajiet jinqasmu bejn l-appoġġ għall-eċċellenza fir-riċerka bażika u applikata fil-livell Ewropew minn naħa, u l-appoġġ għall-innovazzjoni f’livell deċentralizzat min-naħa l-oħra, bħala sforz biex jiġu żviluppati l-kompetenzi reġjonali u l-firxa neċessarja. Il-potenzjal tal-korpi fil-livell lokali u reġjonali li qed iwettqu r-riċerka fl-oqsma speċjalizzati li huma importanti fil-livell internazzjonali għandu jiġi rikonoxxut ukoll bl-istess mod bħall-potenzjal offrut mir-rikonoxximent fl-intrapriża, fost oħrajn, ta’ innovazzjonijiet prattiċi. B’dan il-mod, il-firxa meħtieġa għall-promozzjoni tal-inizjattiva ewlenija f’varjetà ta’ livelli reġjonali tiġi żviluppata;

18.

jemmen li l-isfida hija li jiġu identifikati liema aspetti tal-innovazzjoni jistgħu jitwettqu permezz tal-pjani ta’ żvilupp territorjali integrat;

19.

itenni li huwa kontra li jitwaqqaf fond uniku għall-innovazzjoni b’tema waħda li, waqt li prinċipalment jiddependi mir-riżorsi li attwalment huma allokati lill-fondi strutturali, jgħaqqad flimkien l-istrumenti finanzjarji kollha tal-UE li jintużaw biex jiffinanzjaw l-innovazzjoni. Mhux biss it-“trasferiment” ta’ fondi jista’ jirriżulta f’telf nett ta’ riżorsi allokati għall-innovazzjoni, iżda jista’ jixħet id-dubju fuq l-integrazzjoni tal-proġetti tal-innovazzjoni fl-istrateġiji reġjonalizzati tal-iżvilupp;

20.

jipproponi li, bħala kriterju possibbli ta’ demarkazzjoni bejn il-politika Ewropea tal-innovazzjoni u dik tal-koeżjoni, din tal-aħħar tappoġġja l-aspetti tal-innovazzjoni li huma l-aktar relatati mal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fl-aktar sens wiesa’ ta’ żona partikolari, bħal fil-każ tal-clusters, meta mqabbla mal-aspetti tal-politika tal-innovazzjoni li skont id-definizzjoni ma jistgħux jiġu territorjalizzati u għandhom jiġu implimentati bil-fondi tal-UE, permezz ta’ sejħiet miftuħa għat-territorju kollu tal-UE minflok permezz tal-koeżjoni, f’liema każ jiġu allokati l-fondi globali lir-reġjuni;

21.

jirrikonoxxi li l-panorama tar-riċerka u l-innovazzjoni hija diversa ħafna fl-Ewropa, u jsejjaħ għal taħlita ta’ politiki li b’mod effettiv jappoġġjaw l-eċċellenza u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-Ewropa; jirrikonoxxi li l-innovazzjoni tista’ tiġi applikata wkoll għal modi ġodda ta’ ħidma, għal kif jiġu pprovduti s-servizzi u għall-prodotti ġodda; jitlob li s-sitwazzjoni attwali tiġi analizzata b’aktar attenzjoni u kif din tista’ taħdem b’mod aktar effettiv u effiċjenti; jenfasizza l-bżonn li jkun hemm opportunitajiet għall-innovazzjoni u li r-rikonoxximent tagħha jkun iktar miftuħ, partikularment fil-livell lokali u r-reġjuni remoti billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-għarfien u l-komunikazzjoni permezz ta’ strutturi fiżiċi u virtwali mtejba;

22.

ifakkar li l-programm li jmiss għall-fondi tar-riċerka u l-innovazzjoni jista’ jwassal għal sinerġiji akbar mal-programmi mmirati biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet reġjonali u jiffaċilitaw il-parteċipażżjoni tar-reġjuni fl-attività tar-riċerka u żvilupp bħala parti minn qafas strateġiku komuni. Waqt li jinżamm il-prinċipju tal-eċċellenza fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, dan jista’ jsir, pereżempju, permezz ta’ skema li tinkludi l-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-parteċipazzjoni sistematika ta’ msieħba kompetenti mir-reġjuni li għadhom lura fir-riċerka fi proġetti u programmi mmexxija mill-pari tagħhom li huma aktar magħrufin u li huma eċċellenti, permezz ta’ skemi ta’ konsulenza jew mezzi oħra; f’dan ir-rigward jinnota l-potenzjal li għandhom l-atturi lokali u reġjonali biex irawmu “ċentri ta’ kompetenza” marbutin mal-“poli tal-eċċellenza”. F’dan ir-rigward, il-KtR iħeġġeġ it-tixrid u l-iskambju ta’ eżempji tal-aħjar prattika;

23.

itenni r-rieda tiegħu li jiżgura l-użu kkoordinat tas-Seba’ Programm Qafas [u s-suċċessuri tiegħu], il-Fondi Strutturali, il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għas-Sajd, billi dan huwa essenzjali għall-kompetittività tal-UE u s-sinerġiji bejn il-politiki ta’ koeżjoni, l-industrija, ir-riċerka, l-edukazzjoni għolja u l-innovazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali (3);

24.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri, kif ukoll il-pubblikazzjoni tal-Gwida Prattika dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE (4); b’mod partikulari japprezza l-isforzi kontinwi li jippermettu li programmi differenti jiffinanzjaw fażijiet differenti ta’ proġetti b’perspettiva ta’ kontinwità; ikun grat jekk din il-Gwida Prattika ssir portal diġitali komplet iżda aċċessibbli għall-informazzjoni u r-riżorsi dwar programmi rilevanti ta’ riċerka u innovazzjoni;

25.

jappoġġja l-proposta tal-Parlament Ewropew biex jiġi introdott “punt komuni ta’ aċċess” jew punt ta’ (provvista ta’) servizz uniku b’mod li l-SMEs, ir-riċerkaturi, l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka, ir-reġjuni, in-negozji, eċċ., ikunu jistgħu japplikaw għall-fondi Ewropej, nazzjonali, reġjonali jew lokali għar-riċerka u l-innovazzjoni; jenfasizza li proposta fil-livell tal-UE jkollha bżonn tiġi ripetuta fil-livelli reġjonali u lokali;

Fir-rigward tas-sħubijiet tal-innovazzjoni (EIP), il-KtR

26.

jappoġġja l-approċċ li tiġi indirizatta l-katina kollha, “mir-riċerka sal-kummerċ”;

27.

jenfasizza li s-Sħubijiet tal-Innovazzjoni Ewropej (EIP - European Innovation Partnerships) għandhom jikkontribwixxu għal approċċ semplifikat, mingħajr ma jerġa’ jiżdied strument ieħor man-numru kbir li jeżistu diġà; jenfasizza l-fehmiet espressi mill-KtR f’opinjoni reċenti dwar is-semplifikazzjoni tar-riċerka (5); b’mod partikolari rigward il-bżonn li jiġu kkonsolidati l-istrumenti ta’ finanzjament tar-riċerka flimkien mas-semplifikazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-reġjuni li għadhom lura fir-riċerka; il-bini tal-kapaċitajiet ta’ riċerka u l-potenzjal ta’ użu tagħhom fuq it-territorju kollu tal-UE u l-garanzija li l-istrumenti l-ġodda jirrikonoxxu l-punti komuni u d-differenzi bejn ix-xjenza, l-iżvilupp tat-teknoloġija u t-tixrid fis-suq;

28.

jilqa’ b’sodisfazzjon is-sħubija pilota dwar it-tixjiħ attiv u b’saħħtu, jistenna bil-ħerqa s-sħubijiet suċċessivi u jitlob li jiġi involut fil-kwistjonijiet li jolqtu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali; fil-fehma tal-Kumitat, biex din l-inizjattiva tirnexxi hemm bzonn li tingħata iktar attenzjoni lill-governanza, fid-dawl tal-ħafna organizzazzjonijiet u oqsma tematiċi li huma marbutin mat-tixjiħ b’saħħtu;

29.

jappella biex jinbeda l-iSmart Cities/Smart Regions Innovation Partnership, għax biex jinstabu s-soluzzjonijiet ġodda u kuraġġużi meħtieġa biex jiġu indirizzati l-kriżi ekonomika u t-tibdil fil-klima, huwa kruċjali li jinbdew miżuri minn issa li jkunu effettivi u li jiġu adattati għall-prattiki muniċipali; huwa partikolarment importanti li tiżdied il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni b’intrapriżi u istituzzjonijiet pijunieri u li jingħatawlhom ir-riżorsi biex ixerrdu s-sejbiet tagħhom għall-implimentazzjoni f’reġjuni oħra;

30.

isejjaħ għall-parteċipazzjoni mill-partijiet interessati fil-livell lokali u reġjonali għall-ħolqien, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-EIPs; madankollu, iwissi li dan m’għandux iwassal għal żieda fil-pletora eżistenti ta’ informazzjoni u fornituri ta’ servizzi, li ta’ spiss toħloq konfużjoni (bħall-Business Gateways, Interfaces, skambju ta’ għarfien, eċċ.); iwissi li n-nuqqas ta’ ċarezza jkun aktar diffiċli għall-universitajiet, in-negozji u s-settur tal-volontarjat biex ikunu jafu kif għandhom jimxu; huwa mħasseb ukoll li l-ħolqien ta’ strutturi addizzjonali jista’ jħeġġeġ kompetizzjoni aktar ħarxa għal riżorsi limitati u li qegħdin jonqsu;

31.

jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal tal-kooperazzjoni transkonfinali, inkluż l-investiment ’il ġewwa u ’l barra mill-UE; l-importanza ta’ kundizzjonijiet qafas li jappoġġjawha u l-fatt li r-rikonoxximent tan-natura globali tal-innovazzjoni jżid il-potenzjal tad-dimensjoni transkonfinali tagħha;

32.

jissottolinja, f’dan ir-rigward, ir-rwol potenzjali ta’ skemi bħar-REKT u l-patti territorjali;

33.

jenfasizza l-eżistenza f’diversi postijiet ta’ sħubijiet reġjonali u lokali għall-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien, li ta’ spiss huma magħmula mill-awtoritajiet lokali jew reġjonali, mill-universitajiet lokali u mill-partijiet interessati kummerċjali; jinnota l-importanza ta’ approċċ kollaborattiv anke fost l-universitajiet lokali u reġjonali, pereżempju, permezz ta’ riċerka kondiviża u inizjattivi ta’ parteċipazzjoni;

34.

jindika li, fid-dawl tal-prinċipji tas-sħubija u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, dawn it-tipi ta’ sħubijiet jistgħu joħolqu u jiġġestixxu, fejn hu meħtieġ, programmi ta’ innovazzjoni reġjonali ffinanzjati mill-fondi strutturali – b’tibdil fir-regoli biex l-Awtorità ta’ Ġestjoni tkun tista’ tissottodelega; jenfasizza li dawn l-approċċi ġodda ser jagħmluha possibbli li jitħaffef sostanzjalment il-pass tat-trasferiment tas-sejbiet tar-riċerka għall-prattiki lokali u reġjonali; huwa importanti li l-partijiet interessati rilevanti jiġu involuti b’mod adegwat fil-ħolqien, l-implimentazzjoni tal-ġestjoni u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-programmi biex, fejn hu possibbli, jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

Fir-rigward tal-bażi tal-għarfien u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, il-KtR

35.

itenni l-appoġġ tiegħu favur il-kisba tal-miri ta’ kompetittività u ta’ innovazzjoni sal-2020, u jirrikonoxxi li, sabiex dawn il-miri jkunu jistgħu jintlaħqu, jeħtieġ li jitkompla l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, b’mod partikolari fi żmien ta’ inċertezza ekonomika (6);

36.

jenfasizza l-importanza strateġika għall-Ewropa li tintroduċi l-kunċett tal-innovazzjoni fis-sistema edukattiva;

37.

ifakkar li, b’riżultat tal-kriżi ekonomika attwali, eluf ta’ impjegati fl-Istati Membri tal-UE diġà tilfu xogħolhom u dan il-qgħad ser ikompli jiżdied b’riżultat ta’ swieq ġodda u r-rilokazzjoni tal-kumpaniji f’pajjiżi fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni huma aktar baxxi. Huwa importanti ħafna li l-ħiliet relatati mal-impjegati jiżdiedu u jikkonformaw aktar mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol (7), sabiex l-innovazzjoni ma twassalx għal telf nett ta’ impjiegi;

38.

jenfasizza, f’dan ir-rigward, li hemm bżonn li jiġi aċċellerat ir-ritmu ta’ adattar tal-infrastruttura tan-negozji u l-impjieg għall-innovazzjoni tal-prodotti, tas-servizzi jew tal-provvediment, sabiex il-komunità lokali tista’ tibbenefika mill-innovazzjoni lokali;

39.

jissottolinja r-rwol fundamentali li għandhom jaqdu l-universitajiet biex iwasslu r-riżultati tar-riċerka fis-suq permezz tal-integrazzjoni tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u l-intrapriża; jinnota f’dan ir-rigward l-importanza ta’ ambjent lokali u reġjonali ta’ appoġġ, li miegħu jaħdmu fi sħubija l-universitajiet; jenfasizza li r-riċerka għandha titqies fl-aktar sens wiesa’ tagħha u mhux biss bħala li tiżviluppa l-prodott; jissottolinja wkoll l-importanza li r-riċerkaturi jitħeġġu jwasslu x-xogħol tagħhom lill-pubbliku inġenerali, li l-pubbliku jiġi involut fit-tfassil u t-tħejjija tal-proġetti u b’mod partikolari li jinxterdu r-riżultati;

40.

ifakkar li d-definizzjoni tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti f’qasam partikolari tiddependi mhux biss fuq valutazzjoni tal-punti b’saħħithom u dawk dgħajfin ta’ reġjun, iżda wkoll fuq valutazzjoni tat-theddid u l-opportunitajiet f’reġjuni u kontinenti oħra li, min-naħa tagħha, titlob għal stampa globali tal-iżviluppi dinjija f’oqsma potenzjali ta’ interess; jirrikonoxxi wkoll li l-iżviluppi potenzjali f’reġjun – spontanji u mmexxija mis-suq – m’għandhomx jiġu mxekkla milli jseħħu minħabba li dawn ma jikkoinċidux mal-prijoritajiet identifikati għal dan ir-reġjun;

41.

iwissi kontra kull intenzjoni li l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tintuża bħala mod kif ir-reġjuni jew l-awtoritajiet lokali li diġà huma minn ta’ quddiem jingħataw aktar prijorità filwaqt li oqsma oħra ma jiġux appoġġjati jew ma jingħatawx l-appoġġ li jistħoqqilhom. Dan imur kontra l-prinċipju fundamentali tal-koeżjoni territorjali tal-UE. Għalhekk għandha titfassal mappa Ewropea li turi l-livell ta’ innovazzjoni li jilħqu r-reġjuni; din il-klassifikazzjoni għandha sservi biex jiġu pprovduti strumenti ta’ appoġġ speċifiċi għar-reġjuni li jkunu għadhom lura permezz ta’ fondi ad hoc li jikkontribwixxu għall-konverġenza ta’ dawn ir-reġjuni ma’ dawk aktar innovattivi. Mod kif tista’ tiżdied il-kooperazzjoni bejn reġjuni differenti huwa l-introduzzjoni ta’ proċeduri, li permezz tagħhom reġjuni inqas żviluppati jistgħu jaċċessaw u jużaw għarfien u applikazzjonijiet ta’ riċerka rilevanti minn partijiet differenti tal-Ewropa, pereżempju bl-appoġġ mill-Fondi Strutturali;

42.

japprezza r-rwol prinċipali tal-infrastrutturi tar-riċerka fis-sistemi tal-innovazzjoni bbażati fuq l-għarfien; jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward il-kunċett il-ġdid ta’ strutturi ta’ sħubijiet reġjonali (8) u s-sħubijiet bejn l-infrastrutturi tar-riċerka; u jirrikonoxxi l-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għal żvilupp aktar ibbilanċjat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka billi pajjiżi u reġjuni iżgħar jew bi ftit esperjenza jiġu mistiedna jkunu involuti fir-riċerka kompetittiva u l-prestazzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni;

43.

ifakkar li huwa importanti ħafna li l-infrastrutturi virtwali bbażati fuq it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jiġu żviluppati aktar għall-Ewropa kollha u b’mod partikolari sabiex jiffaċilitaw il-konnessjonijiet bejn żoni ġeografikament imxerrda, u dawk li jinsabu partikolarment imbiegħda, bħall-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi;

44.

jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fil-pjattaforma għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti;

45.

jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fir-reviżjoni tal-programmi operattivi kkofinanzjati mill-Fondi Strutturali; jitlob ukoll li t-tħassib tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jitqies fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma;

46.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tallinja l-programmi operattivi mal-prijoritajiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020, u jsejjaħ li jkun hemm konċentrazzjoni fuq għadd iżgħar ta’ prijoritajiet u l-implimentazzjoni prattika tagħhom, waqt li titqies is-sitwazzjoni reġjonali;

47.

filwaqt li jaspira li fil-perjodu fit-tul jiġi adottat indikatur uniku kompatibbli fil-livell internazzjonali biex jitkejjel il-progress, il-KtR jappoġġja l-iżvilupp ta’ sistema integrata ta’ indikaturi (kif mitlub mill-Parlament Ewropew), li idealment tinkludi l-użu tal-Innobarometru għall-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi; jenfasizza li indikaturi bħal dawn għandhom ikunu sempliċi kemm jista’ jkun filwaqt li ma jittraskurawx id-diversità rikka tar-reġjuni Ewropej; jitlob li jinżamm infurmat u fejn ikun possibbli jiġi involut fil-ħidma preparatorja għall-iżvilupp ta’ sistema bħal din;

Fir-rigward tat-tressiq tal-ideat fis-suq, il-KtR

48.

jirrikonoxxi l-importanza li jinstab bilanċ bejn l-innovazzjoni teknoloġika, dik soċjali u dik tas-settur pubbliku; huwa partikolarment importanti li jiġu promossi l-innovazzjonijiet fis-soċjetà, fejn il-bidliet operattivi u strutturali mixtieqa jinkisbu billi jingħaqdu flimkien sottosetturi differenti ta’ attività innovattiva, eż. l-iżvilupp tat-teknoloġija, l-arti u d-disinn, il-kultura u l-patrimonju, u s-servizzi jintrabat mal-attivitajiet tal-utenti nnifishom;

49.

japprezza li fil-Komunikazzjoni jissemmew l-industriji kulturali u kreattivi minħabba r-rwol potenzjali tagħhom li jorbtu l-kreattività mal-innovazzjoni; fir-rigward tat-tisħiħ u l-promozzjoni tal-innovazzjoni, jenfasizza l-importanza li jitfasslu soluzzjonijiet kreattivi biex jingħaqdu flimkien id-dixxiplini li qabel kien imxerrda biex forsi jkunu jistgħu jinsiltu ideat ġodda;

50.

jenfasizza li l-innovazzjoni qed issir dejjem iktar kumplessa u sistemika. Apparti li titmexxa ’l quddiem permezz tar-riċerka, l-innovazzjoni qed titmexxa dejjem iktar mid-domanda u l-opportunità, biex issolvi l-problemi reali tad-dinja u tindirizza l-isfidi soċjali maġġuri. Bl-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni, il-persuni li jfasslu l-politika u r-riċerkaturi għandhom jitħeġġu b’mod attiv biex joħolqu kunċetti ġodda tal-innovazzjoni, u b’hekk joħolqu sitwazzjonijiet ġenwinament pożittivi għall-partijiet interessati kollha u jimmobilizzaw ir-riżorsi eżistenti kollha irrispettivament mill-oriġini tagħhom;

51.

jirrikonoxxi l-kapaċità tal-akkwist qawwija li għandu l-akkwist pubbliku, li jirrappreżenta 17 % tal-PDG tal-UE 27, u jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-akkwist pubbliku bħala mutur tal-innovazzjoni u magna li naturalment twassal għal żieda fl-istandards (soċjali, ambjentali, eċċ.);

52.

jappoġġja l-involviment attiv tal-intrapriżi u l-gvern fl-iskemi li jappoġjaw l-innovazzjoni; madankollu jwissi dwar l-impatt li jista’ jkollu fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali l-fatt li jkun is-settur pubbliku biss li jieħu r-rwol u r-riskji ta’ klijent prinċipali għal prodotti u servizzi li mhumiex ittestjati;

53.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi li għandhom l-għan li jaqsmu l-aħjar prattiki dwar l-iskemi ta’ akkwist innovattivi;

54.

madankollu jesprimi tħassib dwar kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jintlaqtu mill-obbligu li l-Istati Membri u r-reġjuni jwarrbu baġits dedikati għall-akkwisti prekummerċjali u l-akkwisti pubbliċi ta’ prodotti u servizzi innovattivi; ir-reġjuni li jkunu jixtiequ għandhom jitħeġġu jibdew proġetti pilota, eż. permezz ta’ fondi u ta’ regoli flessibbli biżżejjed;

55.

jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti mill-qrib fil-preparazzjoni tal-oqfsa legali u l-programmi relatati mar-riċerka, id-demostrazzjoni u l-finanzjament ta’ servizzi pubbliċi u akkwisti pubbliċi innovattivi;

56.

jemmen li biex tinbena dimensjoni ta’ territorjalità tal-inizjattiva “Unjoni tal-Innovazzjoni”, kriterju utli jista’ jkun li ssir distinzjoni bejn il-programmi ta’ innovazzjoni ta’ kwalità għolja u ta’ eċċellenza, li minħabba n-natura tagħhom għandhom bżonn jiġu appoġġjati minn programmi ta’ innovazzjoni tematika, u l-aspetti aktar prattiċi tal-innovazzjoni, lesti għall-kummerċjalizzazzjoni, li jistgħu jkunu appoġġjati mis-sħubijiet tal-innovazzjoni lokali u reġjonali mas-settur privat; jirrakkomanda li l-punt ta’ tluq ikun l-aspetti tal-innovazzjoni “lesti għall-kumerċjalizzazzjoni”, li għandhom aktar potenzjal li jiksbu riżultati fi żmien qasir u ftehimiet diretti bejn il-partijiet interessati fil-livell lokali;

57.

ifakkar li d-Direttivi tal-UE dwar l-akkwist pubbliku diġà jippermettu lill-uffiċjali responsabbli għall-akkwisti li jużaw kriterji ta’ għażla li jiffavorixxu x-xiri ta’ prodotti u servizzi innovattivi; f’dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni pprovdiet diversi tipi ta’ linji gwida relatati mal-kwistjoni, inklużi rakkomandazzjonijiet rilevanti għall-fażi prekummerċjali;

58.

jinnota li l-Kummissjoni Ewropea hija mħassba dwar l-ostakli gravi għall-użu tal-kriterji tal-għażla għall-akkwisti innovattivi u minflok iħeġġeġ it-tixrid ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jippromovu l-innovazzjoni;

59.

iwissi, madankollu, li r-regoli tal-UE dwar l-akkwisti ta’ spiss huma inkonsistenti u jżidu l-burokrazija għall-programmi nazzjonali, waqt li sikwit jittestjaw il-limiti tal-kompetenzi previsti mit-Trattat u tas-sussidjarjetà billi jistabbilixxu kriterji marbuta mal-akkwisti fil-każ tal-politiki nazzjonali, u ta’ sikwit dawn id-dispożizzjonijiet jintrabtu ma’ leġislazzjoni li tidher li ma tkunx relatata jew li tkun proposta minn dipartimenti differenti tal-Kummissjoni;

60.

jenfasizza s-sejħa mill-awtoritajiet lokali u reġjonali għal ċertezza legali, prevedibbiltà, konsistenza u definizzjoni ċentralizzata komuni għas-servizzi kollha tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tar-regoli tal-UE dwar l-akkwisti bħala prerekwiżit għal kwalunkwe proposta ġdida dwar l-akkwisti li tikkonċerna l-inizjattiva “Unjoni tal-Innovazzjoni”;

61.

jenfasizza l-bżonn li l-aċċess tal-SMEs għall-programmi ta’ finanzjament jiġi ssemplifikat, liema programmi jistgħu jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni tagħhom fl-ekonomija, peress li l-kumplessità tar-regoli, ta’ spiss diverġenti, tal-programmi attwali sikwit jostakolaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs, peress li la għandhom l-intenzjoni u lanqas il-ħin biex jippruvaw jifhmu l-opportunitajiet offruti minn programmi bħal dawn u jappoġġja bi sħiħ ir-rwol sinifikanti li jaqdu l-SMEs biex iħeġġu l-innovazzjoni;

62.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Qafas Strateġiku Komuni (Common Strategic Framework – CSF) bejn il-fondi kollha tal-UE b’dimensjoni territorjali (Fond ta’ Koeżjoni, Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, Fond Soċjali Ewropew, Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, Fond Ewropew għas-Sajd); isejjaħ, barra minn hekk, għal koerenza mas-CSF il-ġdid dwar l-innovazzjoni;

63.

jappoġġja bi sħiħ li s-CSF jinkludi wkoll sinerġiji b’fondi “tematiċi” tal-UE fid-dawl tal-fatt li dawn jippreżentaw element territorjali – bħal żvilupp rurali sostenibbli permezz tal-provvista tal-broadband, il-fond għat-trasport TEN-T, ir-riċerka jew inizjattivi lokali “tematiċi” ġodda bħas-“Smart Cities”;

64.

ifakkar li r-regoli dwar l-għajnuna statali ta’ spiss huma kumplessi ħafna u jitlob biex ir-reviżjoni prevista għall-2011 tipprovdi ċarezza dwar liema forom ta’ innovazzjoni jistgħu jiġu appoġġjati b’mod effettiv; jinnota li din iċ-ċarezza tista’ twassal biex jinħolqu opportunitajiet biex jiġu appoġġjati kumpaniji innovattivi f’żoni speċifiċi;

65.

jappoġġja l-appell tal-prattikanti għal amministrazzjoni mnaqqsa tal-programm ta’ innovazzjoni tal-UE billi jiżdied l-għadd ta’ sejħiet miftuħin għall-proposti u billi jiġu stabbiliti dati fissi għall-pubblikazzjoni tas-sejħiet, billi l-prattikanti jemmnu li tali miżuri ser itejbu l-previdibbiltà għall-applikanti li jiffinanzjaw u jnaqqsu l-ispejjeż ta’ ġestjoni; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza tal-previdibbiltà amministrattiva;

66.

jesiġi bilanċ aħjar bejn ir-riskju u l-ispiża ta’ kontroll fil-programmi tal-UE peress li dan ta’ spiss jirriżulta f’approċċ b’kontroll eċċessiv; jitlob mekkaniżmu proporzjonat għall-verifika u r-rappurtar pereżempju għal dawk il-korpi li għandhom proċeduri sodi ta’ ġestjoni u ta’ rappurtar tal-verifika; isejjaħ għal approċċ ibbażat fuq “ix-xjenza u t-teknoloġija” jew fuq “ix-xjenza u l-innovazzjoni”, ankrat fi kriterji b’saħħithom ta’ kwalità xjentifika/teknika (9), minflok enfasi fuq ir-regolarità tal-infiq, bħalma għadu l-każ f’ħafna programmi tal-UE;

Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 118/2006 fin.

(2)  CdR 157/2009 fin.

(3)  CdR 157/2009 fin.

(4)  CdR 230/2010 fin.

(5)  CdR 230/2010 fin.

(6)  CdR 231/2010 fin.

(7)  CdR 85/2009 fin.

(8)  Il-Pjan Direzzjonali Ewropew għall-Infrastrutturi ta’ Riċerka – Rapport ta’ Implimentazzjoni 2009 tal-ESFRI.

(9)  CdR 230/2010 fin.


2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/26


Opinjoni ta’ Prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Baġit futur tal-UE u l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fil-politiki ġenerali”

2011/C 259/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

jenfasizza li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini huwa ta’ tħassib ewlieni;

jemmen li hija meħtieġa iżjed trasparenza biex jiġu ggwidati l-investimenti. L-istatistika għall-użu u l-produzzjoni tal-enerġija għandha tkun disponibbli għall-pubbliku, flimkien mal-istatistika dwar l-emissjonijiet;

jipproponi li tal-inqas linja prijoritarja waħda speċifika u separata tal-Fondi Strutturali 2014-2020 tkun iddedikata għall-użu u l-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija, u b'hekk dan l-objettiv jingħata l-viżibilità u l-importanza kollha li jistħoqqlu;

jappella għal fergħa speċifikament urbana tal-Politika tal-Koeżjoni li għandha tagħti appoġġ għall-iżvilupp ta’ Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli, it-titjib u l-espansjoni tat-tisħin distrettwali, is-CHP, il-produzzjoni tal-enerġija u l-użu tal-RES, id-dwal pubbliċi, it-trasport pubbliku u mezzi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini, eċċ. u toħloq servizzi ta’ appoġġ għall-awtoritajiet lokali bħall-aġenziji tal-enerġija lokali u reġjonali;

itenni li l-FSE għandu jiffoka fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-bniedem fil-livell lokali li se jkunu kruċjali għall-iżvilupp fil-futur ta’ bliet b'użu baxx tal-enerġija u li se jsaħħu l-ekonomiji lokali;

jappoġġja mekkaniżmi ta’ finanzjament iktar effiċjenti li jistgħu jrawmu sħubijiet pubbiċi-privati. F'dan il-qasam jistgħu jkunu, pereżempju, self b'interessi baxxi jew mingħajr interessi, garanziji bankarji, fondi lokali li jistgħu jerġgħu jintużaw u għodod oħra innovattivi ta’ inġinerija finanzjarja, li b'konformità mal-prinċipju tal-addizzjonalità għandhom jintużaw f'kombinazzjoni ma’ fondi mogħtija fil-livell lokali u reġjonali mill-Fondi Strutturali.

Relatur

Relatur Ġenerali: Ilmar REEPALU (SE/PSE) Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Malmö

Dokument ta’ referenza

Ittra mill-Kummissjoni Ewropea tal-14 ta’ Frar 2011

I.   DAĦLA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-prioritajiet ta’ politika tal-UE, il-possibilitajiet u l-ħtiġijiet lokali u reġjonali

1.

huwa konxju ħafna mill-fatt li t-tibdil fil-klima huwa sfida globali enormi li għandha konsegwenzi konsiderevolment differenti f'termini ta’ impatt reġjonali u lokali. Is-soluzzjoni tal-isfida klimatika titlob li wieħed jiffoka kemm fuq iċ-ċirkostanzi lokali kif ukoll fuq dawk reġjonali u fuq opportunitajiet f'termini ta’ soluzzjonijiet lokali u reġjonali intelliġenti. L-isfidi tat-tibdil fil-klima huma kbar wisq biex Stat Membru wieħed jindirizzahom waħdu u dan huwa preċiżament fejn l-Unjoni Ewropea tista' ġġib valur miżjud;

2.

jenfasizza li fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-objettivi ta’ impjieg, innovazzjoni, edukazzjoni, inklużjoni soċjali u klima/enerġija huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin u lkoll huma elementi essenzjali biex jinkiseb l-għan globali tal-koeżjoni soċjali u territorjali. Il-miżuri ewlenin biex jintlaħqu l-miri tal-UE 2020 huma mibnija fuq tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

3.

jiġbed l-attenzjoni li l-Istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 “L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna” hija azzjoni komplementari għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fir-rigward tal-iżvilupp ta’ miżuri indispensabbli b'rabta mas-sostenibbiltà u mal-adattament għat-tibdil fil-klima;

4.

itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x'jaqdu fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u għall-progress lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju billi jnaqqsu l-konsum tal-enerġija, jiddeċentralizzaw il-provvista tal-enerġija, iżidu l-użu tagħhom ta’ enerġija rinnovabbli u jiżguraw li l-ekosistema tkun kapaċi tirreżisti l-effetti ħżiena tat-tibdil fil-klima, kif ukoll billi jżommu u jżidu l-bjar tas-CO2;

5.

jaħseb li klima imprevedibbli thedded is-saħħa pubblika, l-infrastruttura, l-agrikoltura, is-sigurtà tal-ilma, il-bijodiversità, is-sigurtà tal-provvista tal-ikel u l-iżvilupp ekonomiku, u jenħtieġ li tiġi indirizzata permezz ta’ ppjanar, prattiki u teknoloġiji mtejba fil-bliet u fl-ekonomiji rurali tagħna;

L-azzjoni klimatika bħala mutur tal-ekonomija

6.

jinsab konvint li l-azzjoni klimatika jista' jkollha impatti pożittivi f'termini ta’ żvilupp ekonomiku, impjiegi ekoloġiċi, reżiljenza, koeżjoni soċjali u kwalità tal-ħajja, dejjem fuq il-bażi tat-tkabbir intelliġenti; għalhekk, jeħtieġ li jiġu identifikati s-setturi u l-benefiċċji li jistgħu jirriżultaw mit-tibdil fil-klima li jistgħu jipprovdu l-possibbiltà ta’ żvilupp ekonomiku;

7.

jemmen li l-akkwist pubbliku u l-investiment fil-livell lokali b'relazzjoni mal-klima jistgħu jistimulaw it-tkabbir ġust, inklużiv u sostenibbli. L-integrazzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-finanzjament ambjentali tista' tistimola transizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju;

8.

jemmen li l-investiment tal-UE fl-ispeċjalizzazzjoni lokali intelliġenti jista' jappoġġja r-reġjuni għal soluzzjonijiet innovattivi biex jintużaw kundizzjonijiet u opportunitajiet lokali għall-iżvilupp ta’ ekonomiji b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju;

9.

jinsab konvint li l-investiment fil-ħolqien ta’ bliet u reġjuni Ewropej sostenibbli jista' jsaħħaħ il-pożizzjoni tan-negozji Ewropej f'suq globali li qed jikber;

10.

jemmen li hemm bżonn li s-settur tal-intrapriżi jiġi involut fl-iżvilupp ta’ ekonomiji sostenibbli, billi jitħeġġu politiki u strateġiji li jinkludu l-preokkupazzjonijiet soċjali u ambjentali fit-transazzjonijiet kummerċjali tal-intrapriżi kif ukoll billi dawn jerfgħu r-responsabbiltà għall-konsegwenzi u l-impatt tal-azzjonijiet tagħhom;

II.   IL-BŻONN GĦAL IKTAR AZZJONI U INVESTIMENT

11.

jenfasizza li f'azzjonijiet li jirrispettaw il-klima jeħtieġu finanzjament sinifikanti fuq perjodu twil. It-transizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżistenti għat-tibdil fil-klima se tesiġi li ssir enfasi fuq investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fil-bini, fis-sorsi rinnovabbli, fit-trasport nadif u soluzzjonijiet oħra li jinvolvu sistemi intelliġenti għal użu aħjar tar-riżorsi; kemm iż-żoni urbani kif ukoll dawk rurali madwar l-UE jeħtieġu b'mod urġenti li jiżdied l-appoġġ għal sforzi lokali u reġjonali favur il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għal dan it-tibdil; jinnota li l-Kummissjoni stmat li biex issir it-transizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet, l-UE jkollha bżonn tinvesti medja ta’ EUR 270 biljun ieħor jew 1,5 % tal-PDG kull sena għall-40 sena li ġejjin, u li jekk tiżdied l-azzjoni klimatika jistgħu jinħolqu 1,5 miljun impjieg ieħor sal-2020;

12.

jappella biex tissaħħaħ sostanzjalment l-inizjattiva tal-“Patt tas-Sindki”, li għandha tingħata l-mezzi adegwati sabiex il-bliet u r-reġjuni jiġu appoġġjati fil-preparazzjoni operattiva tal-pjani favur l-azzjoni klimatika u biex, f'kooperazzjoni mal-imsieħba internazzjonali bħall-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti, iħejju standards konġunti għall-marka tal-karbonju;

13.

itenni b'mod partikolari li skemi ta’ appoġġ għandhom ikunu disponibbli għall-produtturi tal-enerġija rinnovabbli fl-iskali kollha, billi l-użu tal-potenzjal tal-enerġija deċentralizzata lokali u reġjonali huwa indispensabbli sabiex jintlaħqu l-miri 20-20-20 tal-UE;

14.

jenfasizza li għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-livell lokali u reġjonali, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini huwa ta’ tħassib ewlieni, billi s-settur tal-bini – jiġifieri l-bini residenzjali u dak kummerċjali – huwa l-akbar utent tal-enerġija u l-akbar produttur ta’ emissjonijiet ta’ CO2 fl-UE, u huwa responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum finali totali tal-enerġija tal-UE;

15.

jenfasizza l-ħtieġa għal ħidma intensifikata għal sistemi tat-trasport sostenibbli, tibdil fid-drawwiet tal-persuni rigward it-trasport u vetturi li jużaw karburant nadif, li huma essenzjali għal iktar effiċjenza, inqas emissjonijiet u kwalità tal-arja mtejba. Il-KtR jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li fiż-żoni metropolitani t-trasport pubbliku lokali jkun jirrispetta l-ambjent u jitlob biex jiżdied l-investiment mill-Fondi Strutturali fi trasport pubbliku nadif u fid-dekarbonizzazzjoni;

16.

jindika l-importanza li jiġu promossi l-iżvilupp u t-titjib tal-bjar tal-karbonju li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konċentrazzjoni tad-diossidu tal-karbonju fl-atmosfera, speċjalment fir-reġjuni li għandhom riżorsi ġeoloġiċi u/jew naturali l-aktar adatti;

17.

jenfasizza li l-UE trid tonora l-impenji finanzjarji internazzjonali fil-qasam tal-klima; jaqbel mal-fehma li r-riżorsi finanzjarji mis-suq internazzjonali tal-karbonju għandhom ikunu fost is-sorsi li jintużaw biex jiġu ffinanzjati proġetti f'pajjiżi li qed jiżviluppaw;

18.

jemmen li huwa indispensabbli li l-popolazzjoni ssir iktar konxja dwar in-nuqqas ta’ sostenibbiltà tax-xejriet attwali fil-konsum tar-riżorsi;

19.

jemmen li hemm bżonn jittejjeb l-iskambju tal-għarfien bejn id-dinja tax-xjenza u dik tal-politika bil-għan li jittejjeb it-teħid tad-deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-evidenza xjentifika;

III.   IL-PRINĊIPJI GĦAL AZZJONIJIET FIR-RIGWARD TAL-KLIMA U L-FINANZJAMENT TAGĦHOM

20.

jemmen li l-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-prinċipju tas-sħubija u l-governanza f'diversi livelli huma prerekwiżiti fundamentali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Fondi Strutturali u jtenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jipparteċipaw b'mod partikolari fit-tfassil, in-negozjar u l-implimentazzjoni tal-kuntratti ta’ sħubija taħt il-Qafas Strateġiku Komuni għall-fondi tal-UE. Dan għandu jitqies bħala opportunità sostanzjali u unika għall-UE biex tiżgura iżjed koerenza fl-infiq tagħha fl-oqsma kollha ta’ politika u fil-livelli kollha ta’ governanza;

21.

itenni li huwa kontra li jiġi stabbilit fond uniku monotematiku dwar it-tibdil fil-klima li, billi jkun ibbażat l-aktar fuq riżorsi li attwalment huma allokati taħt il-Fondi Strutturali, jiġbor flimkien l-istrumenti finanzjarji kollha tal-UE li jintużaw biex jiffinanzjaw il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. It-“trasferiment” ta’ fondi mhux biss jista' jirriżulta f'telf nett ta’ riżorsi allokati għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iżda wkoll jista' jixħet dubju fuq l-integrazzjoni tal-proġetti relatati mat-tibdil fil-klima fl-istrateġiji reġjonalizzati tal-iżvilupp;

22.

jipproponi li r-reazzjonijiet lokali u reġjonali għat-tibdil fil-klima għandhom jitqiesu bħala komplementari għal politiki internazzjonali, Ewropej u nazzjonali, filwaqt li jsir iktar żvilupp fuq l-iskambju u l-kooperazzjoni bejn reġjuni li qed jiffaċċjaw perikli u opportunitajiet simili;

23.

jemmen li għandu jkompli jiġi żviluppat approċċ ta’ governanza f'diversi livelli, billi l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għal dan it-tibdil jistgħu jkunu ta’ suċċess biss meta l-livelli kollha ta’ gvern ikunu involuti. F'dan il-kuntest, il-KtR appella lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex japplikaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

24.

għaldaqstant, jenfasizza l-importanza li l-ostakli amministrattivi jiġu evitati fil-livelli kollha tal-UE. Dan jirrikjedi azzjonijiet ikkoordinati bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u l-Kummissjoni Ewropea;

25.

itenni li għandhom jitħeġġu “alleanzi” settorjali u transsettorjali fl-enerġija u l-klima bejn reġjuni u kumpaniji, sabiex jippromovu l-innovazzjoni u t-transizzjoni rapida għal ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u reżistenti għat-tibdil fil-klima. Sħubijiet pubbliċi-privati bħal dawn għandhom ikunu mmirati b'mod espliċitu lejn l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, l-iżvilupp u t-titjib tal-bjar tal-karbonju, u l-azzjonijiet b'rabta mal-adattament għat-tibdil fil-klima u għal dan il-għan għandhom jingħataw appoġġ speċifiku mill-Fondi Strutturali;

26.

jemmen li hija meħtieġa iżjed trasparenza biex jiġu ggwidati l-investimenti. L-istatistika għall-konsum u l-produzzjoni tal-enerġija għandha tkun disponibbli għall-pubbliku, flimkien mal-istatistika dwar l-emissjonijiet u speċjalment dik li tirriżulta mill-evoluzzjoni tal-parametri fiżiċi tal-klima u s-segwitu tan-nefqa baġitarja tal-UE relatata mal-klima sabiex l-UE tkun tista' tiddefinixxi b'mod ċar kemm mill-infiq tagħha huwa relatat mal-azzjoni klimatika;

IV.   PRIJORITÀ U INTEGRAZZJONI

27.

huwa tal-fehma li l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-politika tal-enerġija għandhom jiġu inklużi fost il-prijoritajiet ewlenin tal-baġit tal-UE;

28.

jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jappoġġja l-prinċipji tal-governanza f'diversi livelli. L-azzjonijiet kollha tal-UE għandhom ikunu bbażati fuq approċċ orizzontali, li jikkombina diversi miżuri kontra t-tibdil fil-klima u għall-adattament għal dan it-tibdil, fejn id-diviżjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet politiċi u finanzjarji bejn il-livelli ta’ governanza lokali, nazzjonali u tal-UE kif ukoll bejn il-politiki differenti, hija speċifikata b'mod ċar, sabiex jiġu evitati l-lakuni, l-inkonsistenzi u d-dupplikar tar-reazzjonijiet ta’ politika;

29.

jaħseb li l-leġislazzjoni tal-UE u l-kondizzjonalità tal-infiq tal-UE huma elementi ewlenin biex jinkisbu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020, meta wieħed iqis li l-azzjonijiet klimatiċi għandhom jiġu inkorporati fis-sezzjonijiet rilevanti kollha tal-infiq inkluż fil-fondi strutturali, il-fondi għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-kooperazzjoni esterna; dan ifisser li jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda għal politiki li diġà jeżistu sabiex tiġi promossa s-sostenibbiltà, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-istess azzjoni tista' u għandha timmira lejn objettivi differenti f'daqqa;

30.

jaħseb li l-allokazzjoni effiċjenti u l-effikaċja ta’ riżorsi baġitarji limitati jistgħu jiġu żgurati l-aħjar jekk l-azzjoni klimatika u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jiġu inklużi bħala prijorità trasversali fi ħdan il-Fondi Strutturali, il-PAK u l-Programmi Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (il-PQ 8 futur). Barra minn hekk, l-istrument Life+ tal-ġejjieni għall-azzjoni relatata mal-ambjent u mal-klima għandu jikkomplementa l-inkorporazzjoni billi aktar fondi jsiru disponibbli għall-azzjoni klimatika u jiġu ttestjati approċċi ġodda għall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu;

31.

jappoġġja perjodu baġitarju ta’ għaxar snin li jista' jipprovdi stabbiltà konsiderevoli u prevedibbiltà għall-programmazzjoni tal-fondi, u jwassal għal enfasi iktar immirata;

32.

jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ impenji speċifiċi addizzjonali fl-“Istrateġija dwar l-Enerġija 2011-2020” fir-rigward tal-finanzjament u l-għoti ta’ fondi tal-investiment lokali u reġjonali fl-enerġija sostenibbli, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni enfasizzat ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

V.   PROPOSTI GĦAL FINANZJAMENT MINN GĦEJUN VARJI

Il-Politiki ta’ Koeżjoni u l-Fondi Strutturali

33.

jipproponi li tal-inqas linja prijoritarja waħda speċifika u separata tal-Fondi Strutturali 2014-2020 tkun iddedikata għall-użu u l-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija, u li dan l-objettiv jingħata l-viżibilità u l-importanza kollha li jistħoqqlu;

34.

jinnota li l-kunċett ta’ belt sostenibbli qed jinbidel fid-direzzjoni ta’ impjanti ta’ produzzjoni tal-enerġija lokali, żieda fil-mobilità tal-elettriku, l-użu ta’ netwerks intelliġenti u sistemi oħrajn li jsolvu kif għandu jsir użu aħjar tar-riżorsi, u jappella għal fergħa speċifikament urbana tal-Politika tal-Koeżjoni li għandha tagħti appoġġ għall-iżvilupp ta’ Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli, it-titjib u l-espansjoni tat-tisħin distrettwali, is-CHP, il-produzzjoni tal-enerġija u l-użu tal-RES, id-dwal pubbliċi, it-trasport pubbliku u mezzi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini, eċċ. u toħloq servizzi ta’ appoġġ għall-awtoritajiet lokali bħall-aġenziji tal-enerġija lokali u reġjonali;

35.

itenni l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tippromovi soluzzjonijiet lokali dwar l-enerġija u tiżviluppa iktar l-inizjattiva “bliet intelliġenti” (jiġifieri arloġġi tad-dawl intelliġenti u netwerks intelliġenti) sabiex jiġu promossi investimenti nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrifletti din l-intenzjoni tajba fi ħdan il-qafas tal-Fondi Strutturali 2014-2020;

36.

jesiġi li l-fondi għall-iżvilupp reġjonali/politika tal-koeżjoni li jintefqu fuq it-titjib tal-użu effiċjenti tal-enerġija fid-djar domestiċi jiżdiedu għal mill-inqas 5 %, li jikkorrispondu għal mill-inqas 15 % fi ħdan il-FEŻR fuq medja madwar l-UE kollha;

37.

jenfasizza r-rwol prinċipali tal-Fondi Strutturali sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-għarfien, soluzzjonijiet innovattivi u s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-isfidi u l-opportunitajiet li joħloq il-bżonn tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-mitigazzjoni tiegħu u l-adattament għalih;

38.

jemmen li hu importanti li jiġu inkoraġġuti approċċi parteċipattivi u pjattaformi tal-għarfien li jinkludu s-setturi kollha involuti fil-qasam tat-tibdil fil-klima, fenomenu li qed jiżviluppa ħtiġijiet ta’ riċerka bbażati fuq il-politika;

Ir-Riċerka u l-Iżvilupp

39.

jitlob lill-awtorità baġitarja biex jiġu assigurati fondi adegwati u biex jiżdied l-infiq fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-effetti tat-tibdil fil-klima, il-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u l-adattament għat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari b'relazzjoni mal-enerġija u fuq l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku dwar it-Teknoloġija tal-Enerġija, mhux biss fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali iżda wkoll fil-livell lokali u reġjonali, inkluża l-promozzjoni ta’ clusters u ta’ SMEs innovattivi;

40.

jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi t-teknoloġiji sostenibbli u l-fondi għall-innovazzjoni meħtieġa għal teknoloġiji intelliġenti ġodda, billi jiġu integrati bis-sħiħ kwistjonijiet u azzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima fil-programmi u l-istrateġiji kollha tal-UE;

41.

jenfasizza l-importanza li jinxterdu soluzzjonijiet intelliġenti, innovazzjonijiet ewlenin bħala proġetti ta’ dimostrazzjoni sabiex jinbidlu l-attitudnijiet, jissaħħaħ it-tkabbir ekoloġiku u tiġi appoġġjata l-Istrateġija Ewropa 2020;

Il-Fond Socjali Ewropew

42.

jenfasizza li l-Fond Soċjali Ewropew jista' jintuża biex tiġi promossa prattika sostenibbli fil-professjonijiet li diġà jeżistu u biex jiġu żviluppati ħiliet ġodda f'teknoloġiji iktar ekoloġiċi u f'servizzi iktar ekoloġiċi billi l-FSE huwa għodda biex il-ħaddiema u n-negozji jingħataw l-għajnuna ħalli jaddattaw ruħhom għal realtajiet ekonomiċi ġodda;

43.

għaldaqstant, itenni li l-FSE għandu jiffoka fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-bniedem fil-livell lokali li se jkunu kruċjali għall-iżvilupp fil-futur ta’ bliet u reġjuni b'użu baxx tal-enerġija li fihom ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri effikaċi b'rabta mal-adattament u/jew il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, u li se jsaħħu l-ekonomiji lokali;

Il-Politika Agrikola Komuni

44.

jenfasizza l-importanza li jiġu appoġġjati l-interazzjoni u l-iżvilupp urban u rurali, pereżempju fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, trasport pubbliku li jirrispetta l-ambjent, il-ħarsien tas-servizzi ambjentali, il-ġestjoni tal-ilma, u n-natura attraenti tagħhom, permezz ta’ approċċ integrat;

45.

jemmen li l-Politika Agrikola Komuni għandha tippremja lill-bdiewa u lil dawk li jiġġestixxu l-art għall-forniment ta’ prodotti pubbliċi bħall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, il-konservazzjoni ta’ żoni importanti minħabba r-rwol tagħhom bħala bjar tal-karbonju, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta’ serra u l-adattament għall-klima;

46.

jemmen li jista' jkun hemm lok għal iżjed kondizzjonalità jew iktar influwenza ekoloġika fuq il-PAK (Pilastru I u Pilastru II tal-PAK);

47.

jenfasizza li l-Fond għall-Iżvilupp Rurali (Pilastru II tal-PAK) jibqa' metodu vitali biex il-bdiewa jingħataw l-għajnuna ħalli jkunu innovattivi u għall-appoġġ tad-diversifikazzjoni ta’ ekonomiji rurali, u li għaldaqstant għandu jespandi r-rwol attwali tiegħu b'relazzjoni mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-adattament għal dan it-tibdil u l-indirizzar ta’ sfidi ewlenin oħrajn fir-rigward ta’ riżorsi bħall-ġestjoni tal-ilma, tal-bijodiversità u tal-ħamrija;

Mekkaniżmi ġodda ta’ investiment

48.

itenni li laqa' b'sodisfazzjon “l-allokazzjoni mill-ġdid ta’ approprjazzjonijiet mhux użati taħt il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) 663/2009, li issa huma disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali għal proġetti tal-enerġija sostenibbli” u jenfasizza li din il-Faċilità Ewropea għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija għandha tiġi kkunsidrata bħala preċedent importanti li għandu jiġi segwit fil-ġejjieni;

49.

itenni li teżisti “relazzjoni stretta bejn il-pjani ta’ rkupru u l-investimenti fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u fl-enerġiji rinnovabbli fil-kuntest attwali tal-kriżi”;

50.

jenfasizza li billi l-iżvilupp ta’ ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u reżistenti għat-tibdil fil-klima fil-livell lokali u reġjonali se jtejjeb il-kompetittività globali tal-Ewropa fil-qasam tal-ekonomija ekoloġika, għandu jkun possibbli li dan jiġi kofinanzjat minn bonds għall-proġetti li jinħarġu mill-BEI;

51.

jappoġġja mekkaniżmi ta’ finanzjament iktar effiċjenti li jistgħu jrawmu sħubijiet pubbiċi-privati. F'dan il-qasam jistgħu jkunu, pereżempju, self b'interessi baxxi jew mingħajr interessi, garanziji bankarji, fondi lokali li jistgħu jerġgħu jintużaw u għodod oħra innovattivi ta’ inġinerija finanzjarja, li f'konformità mal-prinċipju tal-addizzjonalità għandhom jintużaw f'kombinazzjoni ma’ fondi mogħtija fil-livell lokali u reġjonali mill-Fondi Strutturali;

52.

jappoġġja l-idea li għandu jkun disponibbli finanzjament ġdid billi l-livell lokali u reġjonali jiġi allokat mill-inqas terz mid-dħul mis-sistema ta’ skambju tal-kwoti. L-element prinċipali għad-distribuzzjoni eżatta tad-dħul għandu jiġi stabbilit f'kull Stat Membru fil-kuntest tal-istrateġiji nazzjonali għall-klima, sabiex titqies id-distribuzzjoni differenti ħafna f'kull Stat Membru tar-responsabbiltà relatata mal-ħarsien tal-klima. Il-Kumitat jappella għal użu akbar tat-taxxa fuq il-karbonju madwar l-Ewropa u li f'dan ir-rigward jiġu garantiti mezzi ġodda ta’ finanzjament fil-livelli reġjonali u lokali fi ħdan il-kuntest imsemmi hawn fuq. Peress li għalissa l-bliet u r-reġjuni mhumiex jiġu servuti biżżejjed mis-swieq attwali tal-karbonju, iħeġġeġ bil-qawwa l-appell tal-OECD sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu l-proġetti tagħhom għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta’ serra ffinanzjati mis-sistema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet.

Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/31


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-ħarsien u l-iżvilupp tal-minoranzi lingwistiċi storiċi fil-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona”

2011/C 259/06

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jinsisti fuq l-impatt pożittiv tal-lingwi minoritarji u tad-diversità lingwistika fl-Ewropa kemm mil-lat soċjali u kulturali inġenerali, kif ukoll b'mod partikolari għall-persuni u għall-komunitajiet li jkunu ġejjin minnhom, biex b'hekk ikunu jistgħu jitħeġġu l-kreattività u l-innovazzjoni fil-qafas ta’ valorizzazzjoni ta’ kull wirt kulturali, biex igawdi wkoll l-iżvilupp ekonomiku;

jenfasizza l-għarfien li qed jikber dwar dan is-suġġett fl-Ewropa li jidher ukoll fl-iżvilupp tal-liġijiet tal-UE, kif seħħ speċjalment bit-Trattat ta’ Lisbona li daħħal ir-rispett għar-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika bħala element ewlieni fil-qafas tal-ħarsien u l-iżvilupp tal-wirt kulturali Ewropew filwaqt li l-istess Karta tad-Drittijjiet Fundamentali tipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa jew l-appartenenza għal minoranza nazzjonali;

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ewlieni tiegħu, bħala assemblea li fiha jistgħu jinġabru u jinxterdu l-prattiki tajbin ta’ ħarsien u promozzjoni tal-lingwi minoritarji u b'mod aktar ġenerali tal-kultura ta’ kull minoranza ligwistika bħala espressjoni tal-pluraliżmu kulturali Ewropew għall-benefiċċju tal-minoranzi lingwistiċi storiċi kollha;

fl-aħħar, jappella lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex iqisu aktar il-bżonn ta’ politika speċifika dwar il-minoranzi lingwistiċi li tkun finanzjata b'mod adegwat sostnuta minn bażi legali aktar b'saħħitha.

Relatur

Luciano CAVERI (IT/ALDE), Kunsillier Reġjonali tar-Reġjun Awtonomu tal-Valle d'Aosta

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jibda billi jgħid li l-Unjoni Ewropea hija għanja b'minoranzi lingwistiċi u nazzjonali storiċi (li jiġu definiti wkoll bħala indiġeni jew tradizzjonali) li jesprimu ruħhom b'lingwi differenti minn dawk tal-Istati li jkunu ġejjin minnhom;

2.

ifakkar li fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, il-livelli tad-demokrazija lokali u reġjonali, fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, għandhom rwol dejjem aktar sinifikanti fil-ħarsien u l-promozzjoni ta’ din id-diversità kulturali u lingwistika, pereżempju fl-oqsma tal-edukazzjoni fil-livelli u l-gradi kollha, fil-kultura u fil-mezzi tax-xandir, kif ukoll fl-iżvilupp reġjonali;

3.

jinsisti fuq l-impatt pożittiv tal-lingwi minoritarji u tad-diversità lingwistika fl-Ewropa kemm mil-lat soċjali u kulturali inġenerali, kif ukoll b'mod partikolari għall-persuni u għall-komunitajiet li jkunu ġejjin minnhom, biex b'hekk ikunu jistgħu jitħeġġu l-kreattività u l-innovazzjoni fil-qafas ta’ valorizzazzjoni ta’ kull wirt kulturali, biex igawdi wkoll l-iżvilupp ekonomiku;

4.

jindika li f'dawn l-aħħar għexieren ta’ snin kien hemm żieda progressiva ta’ strumenti legali li jħarsu u jiżviluppaw 'l hekk imsejħa lingwi minoritarji permezz tal-liġi internazzjonali, kif ġara permezz tad-Dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni membri ta’ minoranza nazzjonali jew etnika, reliġjuża jew lingwistika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1992 u bid-diversi Dikjarazzjonijiet, Konvenzjonijiet u Rakkomandazzjonijiet tal-UNESCO tul l-eżistenza tagħha sal-aktar Konvenzjoni reċenti dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjoni kulturali tal-2005;

5.

b'mod partikolari, jifraħ lill-Kunsill tal-Ewropa għas-sehem importanti li dejjem kellu fil-qasam tal-politika lingwistika u b'mod partikolari bil-Karta tal-Prinċipji Ewropej tal-Lingwi reġjonali jew minoritarji tal-1992 u bil-Konvenzjoni qafas għall-ħarsien tal-minoranzi nazzjonali tal-1995;

6.

jinnota wkoll ir-riżoluzzjoni riċenti tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa tat-18 ta’ Marzu 2010 (301/2010) dwar “Il-lingwi minoritarji: kontribut għall-iżvilupp reġjonali” li titkellem dwar il-kontribut pożittiv ta’ dawn il-lingwi għall-iżvilupp reġjonali;

7.

jenfasizza l-għarfien li qed jikber dwar dan is-suġġett fl-Ewropa li jidher ukoll fl-iżvilupp tal-liġijiet tal-UE, kif seħħ speċjalment bit-Trattat ta’ Lisbona li daħħal ir-rispett għar-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika bħala element ewlieni fil-qafas tal-ħarsien u l-iżvilupp tal-wirt kulturali Ewropew filwaqt li l-istess Karta tad-Drittijjiet Fundamentali tipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-lingwa jew l-appartenenza għal minoranza nazzjonali;

8.

josserva li anke qabel ma din il-bażi legali ħolqot sistema b'saħħitha ta’ ħarsien, l-istituzzjonijiet differenti tal-UE kienu għarfu li diġà kien hemm elementi ta’ protezzjoni fil-prinċipji tat-Trattati ta’ dak iż-żmien (acquis communautaire), kif jidher meta sar it-tkabbir bit-talba, bil-prinċipji ta’ Kopenħagen, għall-ħarsien politiku tal-minoranzi lingwistiċi, li kien possibbli wkoll bis-saħħa ta’ żvilupp fl-interpretazzjoni ta’ dan is-suġġett mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;

9.

madankollu jisħaq li għalkemm l-evoluzzjoni legali tippermetti protezzjoni akbar, billi naturalment titqies il-konformità mal-prinċipji kostituzzjonali tal-Istati Membri individwali, għall-Kummissjoni dan għadu ma jikkostitwixxix bażi legali li tiġġustifika l-eżistenza ta’ linji baġitarji speċifiċi għall-minoranzi lingwistiċi storiċi;

10.

jenfasizza l-isforzi li jagħmlu diversi istituzzjonijiet, fosthom il-KtR, biex iħarsu l-multilingwiżmu fl-attività politika u fil-ħidma amministrattiva tagħhom, fosthom l-introduzzjoni progressiva tal-lingwi minoritarji, kif joħroġ mill-ftehimiet ma’ Spanja u r-Renju Unit;

11.

japprezza bħala xi ħaġa pożittiva l-ħidma kollaborattiva tal-Kummissjoni mal-organizzazzjonijiet differenti li jaħdmu fl-Unjoni favur il-minoranzi lingwistiċi, billi jiġbed l-attenzjoni għall-attività mifruxa li għamel in-netwerk għall-promozzjoni tad-diversità lingwistika (NPLD) u fil-passat, qabel ma xolja, mal-Bureau européen pour les langues moins répandues (l-Uffiċċju Ewropew għal-lingwi inqas mifruxa - BELMR), u man-netwerk Mercator, li ilhom xi żmien jaħdmu fuq l-implikazzjonijiet differenti tal-lingwi u l-kulturi minoritarji;

12.

jaqbel li ħafna programmi Ewropej (pereżempju: Media, Culture, miżuri favur l-SMEs, il-fondi strutturali, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda) diġà ffinanzjaw miżuri favur il-minoranzi lingwistiċi, billi kull darba qiesu l-politiki tal-kuntest ġeografiku vast, bħall-Istrateġija għad-Danubju u l-Konvenzjoni Alpina (li fuqha ħadem il-programm dwar iż-żona tal-Alpi “Spazio Alpino”);

13.

jinnota, fuq nota negattiva, li minn studju li sar fl-2008 mill-Parlament Ewropew, ħareġ li l-fondi li ngħataw favur id-diversità lingwistika naqsu meta mqabbla maż-żieda fin-numru ta’ lingwi tal-UE.

X'hemm bżonn li jsir

14.

Il-KtR jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ewlieni tiegħu, bħala assemblea li fiha jistgħu jinġabru u jinxterdu l-prattiki tajbin ta’ ħarsien u promozzjoni tal-lingwi minoritarji u b'mod aktar ġenerali tal-kultura ta’ kull minoranza ligwistika bħala espressjoni tal-pluraliżmu kulturali Ewropew għall-benefiċċju tal-minoranzi lingwistiċi storiċi kollha;

15.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li tkompli fl-azzjoni tagħha ta’ promozzjoni tad-diversità lingwistika billi ssostni b'modi differenti t-tagħlim tal-lingwi, fosthom dawk minoritarji jew reġjonali;

16.

jistieden lill-awtoritajiet tal-UE biex jippromovu l-użu ta’ dawn il-lingwi fil-kuntatti diretti bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini biex jesprimu wkoll il-viċinanza tal-Unjoni għall-minoranzi lingwistiċi storiċi, b'referenza partikolari għas-siti elettroniċi tal-UE u għall-komunikazzjoni onlajn;

17.

iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni d-drittijiet tal-minoranzi lingwistiċi kif ukoll ir-rikkezza u l-varjetà tal-kulturi tagħhom isiru magħrufa fil-komunitajiet lokali tagħhom stess u mal-kumplament tal-Ewropa;

18.

jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja l-istituzzjonijiet reġjonali u lokali fl-Ewropa għall-iżvilupp tat-tagħlim b'materjal u strumenti bħat-taħriġ tal-għalliema imfassal skont il-ħtiġijiet ta’ kull waħda mill-komunitajiet lingwistiċi;

19.

jirrakkomanda li l-lingwi minoritarji jew reġjonali jiġu integrati għalkollox fil-politiki u l-programmi, u fil-prijoritajiet trasversali tal-Unjoni b'referenza partikolari għall-politika fis-settur tal-awdjoviżwali, fil-livelli kollha tas-settur edukattiv, fis-settur tal-kultura u t-tagħlim tal-lingwi, kif ukoll fil-politika tal-kooperazzjoni territorjali, l-iżvilupp reġjonali, is-settur tat-turiżmu u l-iskambji bejn iż-żagħażagħ;

20.

jipproponi lill-Kummissjoni, u konsegwentement lill-Kunsill, li fil-perjodu ta’ programmazzjoni li ġej ikun hemm involviment adatt tal-lingwi minoritarji u reġjonali fil-qafas tal-politika reġjonali tal-programm qafas li jmiss dwar ir-riċerka, fil-programmi Culture u Media, fil-programmi kollha fis-settur kulturali, tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u b'mod partikolari fil-Programm ta’ azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja (Lifelong Learning Programme), kif ukoll fis-setturi bħall-fondi strutturali, l-Aġenda Diġitali u dak kollu li jolqot il-promozzjoni tal-persuni u l-komunitajiet tagħhom;

21.

jindika lill-Kummissjoni l-ħtieġa li tinħoloq stampa globali, li tiġi aġġornata perjodikament (anki permezz tar-reviżjoni tal-istudji Euromosaïque), tal-azzjonijiet differenti favur il-minoranzi ligwistiċi storiċi biex jinħolqu wkoll opportunitajiet ta’ skambju u ta’ għarfien reċiproku li jikkontribwixxu lejn koeżjoni kulturali b'saħħitha fil-proċess globali tal-integrazzjoni Ewropea, li tinkludi wkoll fil-“jigsaw puzzle” Ewropew il-kontribut importanti tal-lingwi reġjonali u minoritarji;

22.

fl-aħħar, jappella lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex iqisu aktar il-bżonn ta’ politika speċifika dwar il-minoranzi lingwistiċi li tkun finanzjata b'mod adegwat sostnuta minn bażi legali aktar b'saħħitha;

23.

jirrakkomanda li l-Istati Membri, li għandhom rwol importanti fir-rigward tal-politika tal-lingwi, jkunu sensittivi għad-diversità lingwistika fit-territorji tagħhom biex jiġu valorizzati l-komunitajiet lingwistiċi storiċi, għax jagħrfu li r-rikonoxximent tal-wirt kulturali u tal-valuri l-oħra kollha tagħhom (l-istorja, il-lingwa u l-patrimonju kulturali) jikkontribwixxi għal għajxien flimkien b'mod paċifiku u għall-arrikkiment tal-identità Ewropea.

Brussell, it-30 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/34


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”

2011/C 259/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Istati Membri kollha sabiex jistabbilixxu miri nazzjonali kwantitattivi għall-miri ewlenin kollha tal-Ewropa 2020, b’mod partikolari dawk li huma relatati direttament mal-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi, sabiex jipprovdu sjieda akbar tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, juru ambizzjoni politika fil-politiki li qed jippromovu u jippermettu valutazzjoni trasparenti tal-effettività tal-politiki;

jirrakkomanda approċċ lejn il-ħiliet u l-impjiegi li: (a) jagħti s-saħħa lill-imsieħba lokali/reġjonali li jfasslu interventi u jiddedikaw ir-riżorsi sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-impjegaturi lokali/reġjonali u jiffukaw fuq gruppi mmirati identifikati fil-forza tax-xogħol; u (b) jistabbilixxi qafas għat-tagħqid tas-servizzi huma u jingħataw u għat-tfassil ta’ soluzzjonijiet adatti sabiex jiġu ttrattati problemi lokali/reġjonali speċifiċi;

ifakkar fl-Artikolu 174 (TFUE) dwar il-koeżjoni territorjali u jenfasizza l-ħtieġa li d-differenzi bejn ir-reġjuni jiġu kkunsidrati bis-sħiħ, peress li jeżistu diskrepanzi sinifikanti madwar l-Unjoni Ewropea u li l-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni biex jilħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 ivarjaw b’mod konsiderevoli. Dawn iċ-ċirkostanzi ta’ sfida ġew stabbiliti b’mod ċar fil-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (jekk jogħġbok ara punt 6 fil-paġni 3-4);

jappella sabiex tingħata kunsiderazzjoni akbar lill-iskeda ta’ żmien għat-tneħħija gradwali tal-miżuri attwali maħsuba għas-suq tax-xogħol b’relazzjoni mal-kriżi u l-implikazzjonijiet ta’ dan għall-fiduċja fis-suq, il-finanzi pubbliċi, il-prospetti individwali tal-impjieg ta’ ħaddiema vulnerabbli u l-livelli globali ta’ qgħad fit-tul; iqis li l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi ser ikollha jew ma jkollhiex suċċess bikri skont l-effettività u l-impatt fit-tul tal-miżuri kontra l-kriżi fl-għajnuna li jagħtu lis-suq tax-xogħol biex jaffronta l-kriżi ekonomika. Madanakollu l-prinċipju bażiku għandu jkun li jiġu eliminati malajr il-miżuri relatati mal-kriżi.

Relatur

Is-Sur Henk KOOL (NL/PSE), Alderman: membru tal-Kunsill Eżekuttiv tal-belt ta’ Den Haag

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi: Kontribut Ewropew lejn livell massimu ta’ impjiegi

COM(2010) 682 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-“Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi” bħala waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jirrikonoxxi li hija komplementata b’inizjattivi ewlenin oħrajn u jenfasizza li l-Aġenda tista’ tintlaħaq biss permezz ta’ approċċ f’diversi livelli, koerenti u integrat lejn l-implimentazzjoni;

2.

iħeġġeġ bis-sħiħ lill-Istati Membri kollha sabiex jistabbilixxu miri nazzjonali kwantitattivi għall-miri ewlenin kollha tal-Ewropa 2020, b’mod partikolari dawk li huma relatati direttament mal-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi, sabiex jipprovdu sjieda akbar tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, juru ambizzjoni politika fil-politiki li qed jippromovu u jippermettu valutazzjoni trasparenti tal-effettività tal-politiki;

3.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni tagħmel xi referenzi għall-aspetti reġjonali fl-inizjattiva ewlenija imma jqis li għandha tingħata aktar attenzjoni lir-rwol distint li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu bħala impjegaturi, fornituri ta’ servizzi u regolaturi fil-promozzjoni tat-tkabbir u l-koeżjoni u fil-koordinazzjoni tas-sħubijiet strateġiċi bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-aġenziji tal-intrapriżi u l-intrapriżi fir-reġjuni rispettivi tagħhom;

4.

jirrakkomanda approċċ lejn il-ħiliet u l-impjiegi li: (a) jagħti s-saħħa lill-imsieħba lokali/reġjonali li jfasslu interventi u jiddedikaw ir-riżorsi sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-impjegaturi lokali/reġjonali u jiffukaw fuq gruppi mmirati identifikati fil-forza tax-xogħol; u (b) jistabbilixxi qafas għat-tagħqid tas-servizzi huma u jingħataw u għat-tfassil ta’ soluzzjonijiet adatti sabiex jiġu ttrattati problemi lokali/reġjonali speċifiċi;

5.

barra minn hekk, iqis li hemm numru ta’ proposti għal azzjoni stabbiliti fl-inizjattiva ewlenija li jibbenefikaw minn dimensjoni lokali/reġjonali aktar b’saħħitha u jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw azzjoni dwar: strateġiji lokali għall-ħiliet; dimensjoni sottonazzjonali għall-Panorama ta’ Ħiliet tal-Unjoni Ewropea; miżuri lokali għall-integrazzjoni ta’ dawk li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet kbar biex jiksbu impjieg, bħal, pereżempju l-migranti fil-forza tax-xogħol; azzjoni lokali dwar it-tluq kmieni mill-iskola, litteriżmu u numeriżmu fost l-adulti u strateġiji għat-tagħlim tul il-ħajja; żvilupp ta’ kundizzjonijiet adatti għall-ħolqien tal-impjiegi; djalogu soċjali fil-livell lokali/regjonali dwar il-politiki tax-xogħol u l-impjiegi; ċentri reġjonali ta’ eċċellenza għall-impjiegi tal-ġejjieni; u azzjonijiet dwar il-provvista futura ta’ ħaddiema f’setturi ewlenin, bħall-kura tas-saħħa;

6.

ifakkar fl-Artikolu 174 (TFUE) dwar il-koeżjoni territorjali u jenfasizza l-ħtieġa li d-differenzi bejn ir-reġjuni jiġu kkunsidrati bis-sħiħ, peress li jeżistu diskrepanzi sinifikanti madwar l-Unjoni Ewropea u li l-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni biex jilħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020 ivarjaw b’mod konsiderevoli. Dawn iċ-ċirkostanzi ta’ sfida ġew stabbiliti b’mod ċar fil-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (1), b’mod partikolari:

(a)

inqas minn reġjun minn tlieta laħaq rata tal-impjieg ta’ 75 % u kważi reġjun minn ħamsa għandu rata taħt il-65 %;

(b)

’il fuq minn 20 % tar-reġjuni għandhom 40 % jew aktar tal-popolazzjoni tagħhom b’livell baxx ta’ edukazzjoni;

(c)

inqas minn reġjun minn sitta laħaq ir-rata mmirata għall-edukazzjoni terzjarja;

(d)

ir-rati ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja jvarjaw b’mod konsiderevoli u aktar minn 22 % tar-reġjuni għandhom rata ta’ parteċipazzjoni baxxa ħafna ta’ 5 % jew inqas;

(e)

il-popolazzjoni qed tixjieħ malajr u hemm distorsjoni fir-rata ta’ dipendenza fost l-anzjani.

7.

jenfasizza l-effetti negattivi potenzjali li jista’ jkollhom fuq xi reġjuni l-politiki mmirati lejn titjib komprensiv madwar l-UE jew il-miri nazzjonali, bl-ebda referenza, jew referenza minima, għad-dimensjoni territorjali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jqisu l-konsegwenzi ta’ approċċ bħal dan, b’mod partikolari għal dawk ir-reġjuni li għandhom dgħufijiet strutturali serji;

8.

jinnota d-diskrepanza enormi f’termini ta’ livelli ta’ parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja u fit-taħriġ fil-livell reġjonali madwar l-Unjoni Ewropea u jinsab imħasseb dwar il-fatt li, minkejja l-firxa ta’ miri relatati ma’ dan il-qasam matul is-snin, fil-biċċa l-kbira għadna ma rnexxilniex niżguraw li l-Istati Membri u r-reġjuni li jinsabu lura jersqu lejn il-medja tal-UE;

9.

jiddispjaċih li l-preżentazzjoni tal-inizjattiva ewlenija dwar l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi ma ġietx akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt baġitarju tal-miżuri proposti;

10.

jappella sabiex tingħata kunsiderazzjoni akbar lill-iskeda ta’ żmien għat-tneħħija gradwali tal-miżuri attwali maħsuba għas-suq tax-xogħol b’relazzjoni mal-kriżi u l-implikazzjonijiet ta’ dan għall-fiduċja fis-suq, il-finanzi pubbliċi, il-prospetti individwali tal-impjieg ta’ ħaddiema vulnerabbli u l-livelli globali ta’ qgħad fit-tul; iqis li l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi ser ikollha jew ma jkollhiex suċċess bikri skont l-effettività u l-impatt fit-tul tal-miżuri kontra l-kriżi fl-għajnuna li jagħtu lis-suq tax-xogħol biex jaffronta l-kriżi ekonomika. Madanakollu l-prinċipju bażiku għandu jkun li jiġu eliminati malajr il-miżuri relatati mal-kriżi;

11.

jitlob li, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, jiġu stabbiliti mekkaniżmi maħsuba għall-koordinazzjoni tal-isforzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi u l-inizjattivi ewlenin l-oħrajn, b’mod partikolari l-inizjattivi “Żgħażagħ attivi” u “Pjattaforma kontra l-faqar”;

Lejn momentum ġdid għall-flessigurtà

12.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi li, f’suq tax-xogħol dgħajjef, f’kuntest ta’ livelli għolja ta’ qgħad strutturali, il-miżuri għall-provvista tax-xogħol waħedhom mhumiex biżżejjed biex isolvu l-problema tal-qgħad u li dawn għandhom bżonn jiġu kkomplementati permezz ta’ azzjonijiet b’enfasi fuq l-għoti ta’ inċentiv għad-domanda għax-xogħol, iżda jappella sabiex jingħata bilanċ akbar lil dawn iż-żewġ sensiliet ta’ preskrizzjonijiet ta’ politika;

13.

jirrikonoxxi li l-arranġamenti nazzjonali dwar il-flessigurtà m’għandhomx bżonn jissaħħu u jiġu adattati għall-kuntest soċjali u ekonomiku ġdid u jilqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni tal-linji gwida dwar il-flessigurtà fil-ħidma tal-Kunsill; ifakkar lill-Kummissjoni li l-imsieħba soċjali dejjem iridu jiġu involuti meta jiġu previsti bidliet li jista’ jkollhom impatt fuq is-suq tax-xogħol. Huwa jappella lill-Kummissjoni sabiex tfisser aktar fid-dettall l-implikazzjonijiet li l-bidliet suġġeriti b’relazzjoni mal-arranġamenti kuntrattwali mhux determinati jista’ jkollhom għas-sigurtà tal-impjiegi, id-drittijiet eżistenti tal-impjieg, il-ħinijiet tax-xogħol u l-metodi ta’ organizzazzjoni tax-xogħol;

14.

ifakkar li l-Unjoni Ewropea serviet ta’ katalizzatur għall-bidliet progressivi fis-sistemi nazzjonali tal-liġi dwar l-impjieg permezz ta’ direttivi preċedenti tal-UE u jenfasizza l-importanza li jinżammu dawn l-istandards; madankollu jemmen li hemm bżonn ta’ impenji kontinwi u li jiġi promoss it-tibdil strutturali għal aktar stabbiltà soċjali;

15.

jappoġġja l-enfasi li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fuq ir-rwol kruċjali tal-SMEs fil-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività ekonomika u jfakkar fir-rakkomandazzjonijiet fl-opinjoni tiegħu dwar is-Small Business Act (2), speċjalment fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-prinċipju “aħseb l-ewwel fiż-żgħir”;

16.

ifakkar fir-ritmu mhux uniformi ta’ progress u fl-interpretazzjonijiet diverġenti ta’ għadd ta’ direttivi eżistenti tal-UE dwar l-impjieg meta ġew trasposti fil-liġi tal-Istati Membri, bil-konsegwenza li ma jeżistix suq uniku tal-UE għax-xogħol; fl-istess ħin jinnota wkoll li d-dritt tal-Kummissjoni li tirċievi mill-Istati Membri rapporti dwar it-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE fil-liġi nazzjonali jiggarantixxi li d-diverġenzi nazzjonali ma jaqbżux il-limiti aċċettabbli. Sabiex wieħed ikollu idea ġenerali tal-ammont ta’ diverġenzi qed jiġi suġġerit li ssir analiżi komparattiva tal-implimentazzjoni ta’ wħud mid-direttivi fl-Istati Membri;

Niddotaw in-nies bil-ħiliet it-tajbin għall-impjieg

17.

jirrikonoxxi l-valutazzjoni qasira mressqa mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-suq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea; jaqbel li jeżistu nuqqas ta’ ħiliet adegwati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fil-futur u provvista u domanda insuffiċjenti għal opportunitajiet ta’ taħriġ f’livelli partikolari ta’ ħiliet u li hemm bżonn ta’ tqabbil u ta’ ġestjoni aħjar tal-ħiliet u l-esperjenza tal-ħaddiema migranti;

18.

madankollu, iwissi li bħalissa l-Kummissjoni Ewropea qed tagħti interpretazzjoni dejqa wisq tal-problema tal-ħiliet u donnha qed tissottovaluta l-isfida li jippreżentaw il-ġestjoni tat-tibdil fil-kompożizzjoni settorjali tal-ekonomija u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-età, is-sess u l-persuni b’diżabbiltà, kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni tal-esperjenza ta’ qabel, il-formalizzazzjoni tal-ħiliet assoċjati mat-tkabbir tas-setturi bażiċi tax-xogħol bħall-kura anċillari tas-saħħa, ir-rikonoxximent tas-sehem dejjem jikber ta’ ħaddiema ta’ età aktar avvanzata u l-kwistjonijiet relatati mal-bżonn kontinwu li l-ħiliet ta’ dawn il-ħaddiema jiġu aġġornati, il-ġestjoni ta’ rata tal-impjieg fost iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi aktar minn darbtejn ogħla mir-rata għaċ-ċittadini fi Stati Membri individwali u r-rikonoxximent tal-bżonn li jkun hemm sensiela speċifika ta’ politiki li jiġġieldu kontra n-numru dejjem jikber ta’ żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET – not in education, employment or training);

19.

iqis li l-Kummissjoni Ewropea għanda tagħmel aktar enfasi fuq il-bżonn ta’ lokalizzazzjoni akbar tal-kunsinna tas-servizzi u ta’ ppjanar strateġiku f’termini ta’ tfassil tal-profil tas-suq tax-xogħol, tbassir, tfassil ta’ politika industrijali u aktar personalizzazzjoni fit-tfassil u l-ippjanar tal-interventi diretti mal-impjegaturi lokali, l-imsieħba soċjali u s-servizzi relatati mal-impjieg, f’oqsma ta’ appoġġ għall-intrapriżi u mekkaniżmi proattivi ta’ identifikazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet tal-ħaddiema fir-rigward tat-taħriġ f’kumpaniji li huma mhedda li jagħlqu;

20.

jappoġġja l-idea ta’ Panorama ta’ Ħiliet tal-UE sabiex tittejjeb it-trasparenza għal dawk li jfittxu x-xogħol, il-ħaddiema, il-kumpaniji u/jew l-istituzzjonijiet pubbliċi, iżda jemmen li hemm bżonn forma aktar lokalizzata ta’ dan l-istrument bħala komplement għall-informazzjoni miġbura fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li għandhom sistemi amministrati b’mod ċentralizzat ħafna. Huwa fil-livell sottonazzjonali li tista’ tinġabar l-aktar informazzjoni preċiża u opportuna dwar is-swieq tax-xogħol reġjonali u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol sinifikanti fl-identifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ adegwatezza tal-ħiliet billi jipprovdu programmi ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ taħriġ vokazzjonali u permezz tal-għoti ta’ inċentiv għall-investiment bi tweġiba għad-domanda lokali;

21.

jappoġġja l-iżvilupp ta’ rabtiet aktar b’saħħithom bejn l-intrapriżi u l-universitajiet u b’mod partikolari l-integrazzjoni ta’ perjodi ta’ xogħol li jkunu assoċjati ma’ krediti fil-programmi universitarji kollha sabiex jissaħħu l-ħiliet tekniċi, dawk relatati man-negozju, kif ukoll is-“soft skills” tal-gradwati, u sabiex tissaħħaħ l-impjegabilità tagħhom fis-suq tax-xogħol modern;

22.

iqis li l-litteriżmu u l-kompetenza diġitali għandhom ikunu komponent ewlieni tal-antiċipazzjoni u l-elenkar tal-ħiliet futuri u li l-investiment fl-infrastrutturi tal-ICT għandu jkun akkumpanjat minn skemi adegwati li jkabbru l-kompetenzi diġitali tal-ħaddiema, b’mod partikolari l-gruppi vulnerabbli b’livell baxx ta’ ħiliet u l-persuni qiegħda;

23.

jissuġġerixxi li, peress li l-2011 hija s-Sena Ewropea għall-Volontarjat, l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi għandha tikkunsidra l-valur tal-volontarjat fit-twessigħ tal-firxa ta’ ħiliet ta’ persuna; jitlob ukoll li l-iskemi eżistenti ta’ ċertifikazzjoni li jirrikonoxxu l-ħiliet, l-għarfien u l-esperjenza miksuba permezz tal-volontarjat għandhom ikunu marbuta mal-iskema tas-CV Europass sabiex dan jiffaċilita r-rikonoxximent madwar l-UE tal-esperjenzi rilevanti tal-volontarjat u l-impjegabilità;

24.

jemmen li s-servizzi eżistenti li diġà qed jipprovdu ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali fl-għoti ta’ servizzi ta’ mentoring u ta’ konsulenza u fl-għoti ta’ inċentiv u ta’ għajnuna lill-kumpaniji, b’mod partikolari lill-SMEs, għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod espliċitu u li r-rwol tagħhom fil-koinvestiment u fl-iffaċilitar tar-rabtiet bejn il-qasam akkademiku u dak kummerċjali għandu jiġi enfasizzat u appoġġjat aktar;

L-aġenda tal-UE għall-promozzjoni tal-mobbiltà tax-xogħol

25.

jinnota li 15 % biss tal-mobbiltà fis-suq tax-xogħol ġejja minn ċaqliq transkonfinali intern fl-UE u li s-sehem ta’ migranti tal-età li jaħdmu li ġejjin minn pajjiżi terzi huwa darbtejn ogħla mis-sehem ta’ migranti minn Stati Membri oħra; jemmen li l-elenkar tal-profili tal-ħiliet ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi kif propost mill-Kummissjoni Ewropea huwa ħaġa tajba u jisħaq li dan għandu jpoġġi enfasi fuq l-integrazzjoni soċjali u ekonomika u jinvolvi l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Madankollu, f’każ li jseħħ dan l-elenkar jeħtieġ li jintuża approċċ ta’ kawtela u tiġi rispettata l-integrità personali;

26.

jirrikonoxxi li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-mobbiltà tax-xogħol bħala mekkaniżmu ta’ aġġustament għall-iżbilanċi fis-swieq interreġjonali iżda jinnota li dan għandu implikazzjonijiet fuq il-prinċipju tal-koeżjoni territorjali; iħeġġeġ sabiex l-effetti tal-eżodu tal-imħuħ (brain drain) u l-impatti inugwali tal-mobbiltà tax-xogħol kemm fuq ir-reġjuni ta’ oriġini kif ukoll fuq dawk ospitanti jiġu kkunsidrati aktar, peress li biex tinkiseb din il-politika hemm ir-riskju li l-benefiċċji fil-perjodu qasir għal-livelli globali ta’ impjieg madwar l-UE jġibu magħhom spejjeż fuq perjodu itwal f’ċerti reġjuni periferiċi. Fl-aħħar nett, jappella għal dibattitu kbir dwar l-esperjenza tal-Istati Membri u r-reġjuni kostitwenti tagħhom fil-qasam tal-migrazzjoni u dwar l-implikazzjonijiet għall-potenzjal tat-tkabbir ta’ reġjuni individwali fuq perjodu twil;

Titjib fil-kwalità tax-xogħol u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol

27.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta li ssir valutazzjoni fuq skala kbira tal-acquis leġislattiv attwali dwar il-kwalità tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tinkludi fil-kunsiderazzjonijiet tagħha l-implimentazzjoni mhux uniformi tad-direttivi tal-UE sal-lum madwar l-Istati Membri;

28.

jenfasizza l-programmi sinifikanti ta’ razzjonalizzazzjoni u l-issikkar tal-baġits li għaddejjin bħalissa fl-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ numru ta’ Stati Membri u jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultatjiet li dawn l-awtoritajiet jistgħu jiltaqgħu magħhom huma u jġestixxu dan u fl-istess ħin programm progressiv għat-trattament tal-ħaddiema tagħhom. Fl-isforzi tagħhom biex jippreservaw il-kwalità tas-servizzi bażiċi b’anqas riżorsi finanzjarji u umani, hemm potenzjal preokkupanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiltaqgħu ma’ diffikultajiet huma u japplikaw id-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol. Iż-żidiet fil-produttività waħedhom aktarx li mhumiex biżżejjed biex jintlaħaq il-volum ta’ miri ta’ servizz u ser ikun hemm pressjoni inevitabbli fuq l-ammont imnaqqas tal-impjegati biex jaħdmu ħinijiet itwal. Ladarba jkun inkiseb titjib realistiku fil-produttività, wieħed jista’ jistenna kompromess bejn anqas riżorsi ta’ ħaddiema u l-volum ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu appoġġjati biex ikunu ta’ eżempju fil-konformità mar-regoli dwar l-impjieg u x-xogħol u huma mħeġġa jadottaw miri realistiċi għall-kunsinna tas-servizzi;

29.

jirrikonoxxi li l-Istati Membri jżommu l-kontroll fuq l-infurzar leġislattiv ta’ dawn il-liġijiet protettivi, iżda jissuġġerixxi li l-UE tistabbilixxi ġabra ta’ informazzjoni u għodda ta’ tixrid, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà – “Osservatorju tas-Saħħa u s-Sigurtà” – sabiex ikun jista’ jsir skambju ta’ informazzjoni dwar anomaliji fl-implimentazzjoni madwar l-Istati Membri;

30.

jinnota li l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi tagħmel referenza għall-faqar fost dawk li jaħdmu iżda jiddispaċih li tonqos milli tagħmel proposti speċifiċi f’termini ta’ xogħol ta’ kwalità, impjieg sostenibbli u dħul adegwat sabiex tindirizza din il-kwistjoni persistenti;

Appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi

31.

jappoġġja l-fehma li l-SMEs ser ikunu l-mutur tat-tkabbir tal-impjiegi fil-futur u li ser ikun hemm bżonn livelli ogħla ta’ imprenditorija fl-ekonomija tal-UE sabiex il-popolazzjoni ta’ ħaddiema li qed tixjieħ tiġi appoġġjata u sabiex isir ċaqliq lil hinn mil-livelli għolja ta’ dipendenza mill-investiment dirett barrani f’ċerti reġjuni, iżda jappella sabiex ikun hemm approċċ usa’ lejn it-taħriġ fl-imprenditorija u l-adattament għall-kompożizzjoni settorjali ġdida tal-ekonomija. Hemm bżonn li ssir enfasi akbar fuq l-imprenditorija fis-sistemi edukattivi, iżda din għandha wkoll tiġi inkorporata fit-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema ta’ età aktar avvanzata, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, sabiex titħeġġeġ aktar innovazzjoni fil-postijiet tax-xogħol eżistenti;

32.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi fuq il-prinċipju “l-ewwel aħseb fiż-żgħir”, li għandu jiġi applikat fil-pilastri kollha tal-inizjattiva ewlenija; barra minn hekk, jenfasizza li m’għandux jingħata appoġġ biss lill-istart-ups, lill-SMEs il-ġodda u lill-intrapriżi ta’ teknoloġija avvanzata iżda wkoll lil negozji li għaddejjin minn żvilupp u ristrutturar, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-intrapriżi kollha;

33.

jaqbel li għandhom isiru sforzi biex l-impjieġi tas-settur informali jiġu integrati f’dak formali u jenfasizza li sabiex dan ikun jista’ jseħħ ser ikun hemm bżonn li xi attivitajiet partikolari fis-settur domestiku u ta’ kura jiġu regolati, jappella għal proposta mill-aktar fis possibbli mill-Kummissjoni Ewropea bid-dettalji dwar it-tipi ta’ inċentivi biex ikun jista’ jsir progress f’dan ir-rigward;

34.

iqis li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkontribwixxu wkoll lejn l-impjieg ta’ dawk li ilhom qegħda żmien twil, tal-persuni b’diżabbiltà u tal-apprentisti waqt li jwettqu l-kuntratti pubbliċi tagħhom. Pereżempju, fis-sejħa għall-offerti tagħhom, huma jistgħu jindikaw li l-intrapriża li tixtieq tirbaħ il-kuntratt trid toffri ċerta perċentwali tal-valur tal-kuntratt lill-impjieg ta’ persuni minn dawn il-gruppi speċifiċi. Il-possibbiltajiet f’dan ir-rigward bħalissa mhux qed jiġu użati biżżejjed. Għaldaqstant, b’konsisitenza mal-opinjoni tiegħu dwar “L-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku”, il-Kumitat jirrakkomanda li fi ħdan l-UE għandha tingħata attenzjoni akbar lill-akkwist soċjali kif ukoll lill-promozzjoni tal-impjieg ta’ dawk li ilhom qegħda żmien twil, tal-persuni b’diżabbiltà u tal-apprentisti meta jingħataw il-kuntratti pubbliċi;

Servizzi finanzjarji tal-UE biex jippromovu l-ħiliet ġodda u l-impjiegi

35.

jieħu pjaċir jekk ikun hemm aktar ċarezza dwar kif l-għanijiet tal-inizjattiva ewlenija Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi għandhom jiġu indirizzati mill-programmi rilevanti tal-UE matul il-perjodu ta’ programmar attwali iżda jwissi kontra tibdil radikali fil-programmi operattivi f’dan l-istadju fil-proċess ta’ implimentazzjoni;

36.

jappoġġja l-appell għal użu aħjar tal-fondi tal-UE u għal sinerġija akbar bejniethom, kif propost fir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE (3), sabiex l-għanijiet tal-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi jiġu appoġġjati. Madankollu, iqis li l-aħjar mod kif dan jista’ jinkiseb huwa permezz ta’:

Approċċi bbażati lokalment– koordinazzjoni mtejba bejn il-politiki settorjali u territorjali permezz ta’ approċċ ibbażat fuq diversi fondi (Qafas Strateġiku Komuni) u b’mod partikolari dimensjoni territorjali aktar b’saħħitha tal-Fond Soċjali Ewropew (li huwa implimentat permezz ta’ programmi nazzjonali wesgħin fi ftit Stati Membri biss). L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom iżommu biżżejjed flessibbiltà biex jiddefinixxu l-prijoritajiet tagħhom stess u jfasslu taħlitiet ta’ tweġibiet politiċi adegwati għall-ispeċifiċitajiet nazzjonali/reġjonali;

Approċċ ibbażat fuq governanza f’diversi livelli– sabiex ikun hemm konformità akbar bejn l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-ambizzjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni, tkun ħaġa tajba li jiġu stabbiliti kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u l-investiment. Dawn il-kuntratti għandhom jiġu żviluppati flimkien mal-livelli kollha ta’ governanza, sabiex jiġi żgurat li l-programmar reġjonali ma jsirx sempliċi għodda ddeterminata mill-prijoritajiet nazzjonali;

Approċċ ibbażat fuq ir-riżultati– il-monitoraġġ tal-progress f’termini ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi għall-appoġġ tal-valutazzjoni u t-tfassil tal-politika. Dan jgħin biex isaħħaħ il-miżuri mmirati lejn il-prijoritajiet u jorbot mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 (Artikolu 148 TFUE). Sabiex jintlaħaq dan, hemm bżonn li jiġi żviluppat qafas komuni għall-valutazzjoni tal-impatt fil-livell tal-UE;

37.

jieħu pjaċir jekk jiġu kkunsidrati rabtiet aktar sodi bejn l-obbligi ta’ rappurtar fil-qafas tal-Ewropa 2020 u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u dawk għall-politika ta’ koeżjoni, bl-għan li jiġu evitati sforzi doppji u li jinkisbu riżultati aktar effettivi;

38.

jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ użu aħjar tal-fondi tal-UE sabiex jinkisbu riformi fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni u t-taħriġ, iżda jirrifjuta proposti li l-“kundizzjonalità” tiġi abbinata b’mod vinkolanti mal-finanzjament, peress li ma għandu jkun hemm l-ebda rabta ta’ kastig bejn id-dritt ta’ reġjun li jibbenefika mill-fondi marbuta mal-politika ta’ koeżjoni u l-effettività tal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u l-politiki makroekonomiċi tagħhom;

39.

jissuġġerixxi li, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta’ ċerti fondi, bħall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, hemm bżonn ta’ koordinazzjoni aħjar bejn il-fondi kollha tal-UE li jindirizzaw il-ħiliet u l-impjiegi;

40.

jixtieq jassisti lill-Kummissjoni Ewropea fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-inizjattivi ewlenin tagħha mill-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz tal-Pjattaforma tiegħu għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  COM(2010) 642, 9.11.2010.

(2)  CdR 246/2008 fin.

(3)  COM(2010) 700 19.10.2010.


2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/40


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali”

2011/C 259/08

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

itenni li r-reviżjoni ta’ dan il-pakkett leġislattiv għandha titfassal bl-akbar konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u għandha tiggarantixxi l-libertà tal-għażla u tal-amministrazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar id-dispożizzjonijiet ta’ organizzazzjoni, ta’ finanzjament u ta’ tħaddim tal-prerogattivi tagħhom fil-qasam tas-servizz pubbliku, skont id-dispożizzonijiet tal-leġislazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali;

madankollu, jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-flessibbiltà kbira li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom b'konformità mat-Trattat ta’ Lisbona tirrikjedi bażi legali fil-qafas tal-leġislazzjoni sekondarja li, fuq il-bażi ta’ għadd ta’ definizzjonijiet, tiggarantixxi lill-awtoritajiet territorjali l-aktar applikazzjoni flessibbli tal-liġi tal-kompetizzjoni rigward is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali;

huwa kontra l-introduzzjoni ta’ valutazzjoni tal-effiċjenza ekonomika tal-kumpens għal servizz ta’ interess ġenerali min-naħa tal-Kummissjoni;

iqis li jeħtieġ ukoll li jitqiesu kriterji oġġettivi oħrajn li a priori jinnewtralizzaw kull riskju ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, bħall-kompetenza territorjali limitata ta’ ċerti operaturi rregolati permezz ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni, il-kompetenza tas-suġġett limitata ta’ ċerti operaturi, pubbliċi jew privati, li jinħolqu speċifikament biex jipprovdu servizz pubbliku partikolari f'territorju partikolari u li ma jwettqu l-ebda attività kummerċjali fis-suq, in-natura mingħajr skop ta’ qligħ ta’ ċerti intrapriżi soċjali;

jipproponi lill-Kummissjoni li l-livell limitu speċifikament għall-każ ta’ kumpens għal servizz pubbliku jogħla għal EUR 800 000 fis-sena, biex b'hekk jiġu esklużi mill-ambitu tal-kontrolli tal-għajuna mill-Istat is-servizzi kollha fil-livell lokali, b'mod partikolari dawk imsejsa fuq in-nisġa assoċjattiva lokali u fuq mikrointrapriżi soċjali stabbiliti fil-livell lokali.

Relatur ġenerali

Karl-Heinz LAMBERTZ (BE/PSE), Ministru President tal-Komunità tal-lingwa Ġermaniża tal-Belġju

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali

COM(2011) 146 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jinsab sodisfatt bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi dibattitu mal-partijiet interessati u l-istituzzjonijiet dwar ir-reviżjoni tal-pakkett leġislattiv dwar l-għajnuna mill-Istat f'forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku, abbażi tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ valutazzjoni tagħha li ġie stabbilit wara konsultazzjoni wiesgħa tal-Istati Membri u ta’ bosta partijiet interessati;

2.

iqis li din ir-reviżjoni tirrappreżenta inizjattiva politika importanti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għaċ-ċittadini għax l-għan tagħha għandu jkun li tiddefinixxi regoli ġodda, ċari u proporzjonati dwar il-konformità tal-metodi ta’ finanzjament tas-servizzi pubbliċi mas-suq intern u, b'hekk, iġġib magħha s-sigurtà u l-prevedibbiltà meħtieġa sabiex jiġu żviluppati s-servizzi pubbliċi fl-Unjoni u sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet essenzjali taċ-ċittadini Ewropej;

3.

jinnota b'interess li r-reviżjoni ta’ dan il-pakkett leġislattiv jidħol fil-qafas tal-għanijiet aktar ġenerali tal-Kummissjoni fil-qasam tas-servizzi pubbliċi u tas-suq intern, u b'mod partikolari fil-qafas tal-proposta nru 25 tal-“Att dwar Suq Uniku” (1), li tikkonsisti fl-adozzjoni, minn hawn u tmiem l-2011, ta’ komunikazzjoni flimkien ma’ sensiela ta’ miżuri dwar is-servizzi pubbliċi, u li tenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżguraw implimentazzjoni aktar sempliċi, u fil-livell adatt, tas-servizzi pubbliċi, li ser ikollhom jirrispettaw regoli ċari ta’ finanzjament u jkunu tal-aqwa kwalità u tabilħaqq aċċessibbli għal kulħadd;

4.

itenni li r-reviżjoni ta’ dan il-pakkett leġislattiv għandha titfassal bl-akbar konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u għandha tiggarantixxi l-libertà tal-għażla u tal-amministrazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar id-dispożizzjonijiet ta’ organizzazzjoni, ta’ finanzjament u ta’ tħaddim tal-prerogattivi tagħhom fil-qasam tas-servizz pubbliku, skont id-dispożizzonijiet tal-leġislazzjonijiet nazzjonali jew reġjonali;

5.

isostni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom leġittimità partikolari biex jieħdu sehem attiv f'dan il-proċess ta’ reviżjoni tal-pakkett leġislattiv daqskemm joperaw qrib iċ-ċittadin u daqskemm huma involuti ta’ kuljum fit-tfassil, l-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-provvista tas-servizzi pubbliċi, bi tweġiba għall-bżonnijiet essenzjali, dejjem aktar jinbidlu u dejjem aktar diversifikati, li jesprimu ċ-ċittadini fit-territorji fejn jgħixu, fil-qasam tal-impjiegi, id-djar, it-trasport, l-edukazzjoni, is-saħħa, il-kura tat-tfal iż-żgħar kif ukoll tal-anzjani li jkunu tilfu l-awtonomija tagħhom, il-kultura, l-isport, il-passatempi, eċċ.;

6.

jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet ir-rwol kruċjali li jaqdu s-servizzi pubbliċi fil-valuri komuni tal-Unjoni, b'konformità mal-Artikolu 14 tat-TFUE. Huwa essenzjali li l-Istati Membri, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali, ikunu jistgħu jiggarantixxu liċ-ċittadini tagħhom servizzi ta’ interess ġenerali b'kundizzjonijiet raġonevoli. Dawn is-servizzi jsaħħu l-koeżjoni soċjali u territorjali, itejbu l-benesseri taċ-ċittadini, jiżguraw funzjoni ta’ ridistribuzzjoni, ta’ ġlieda kontra l-inugwaljanzi u ta’ ġustizzja soċjali u jagħtu kontribut sostanzjali għall-iżvilupp tal-Unjoni b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020; f'dan ir-rigward, il-politika Ewropea dwar is-servizzi pubbliċi tiddependi wkoll mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 9 tat-TFUE;

7.

għalhekk ifakkar li l-iżvilupp tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ta’ kwalità għandu jkun prijorità kostanti u orizzontali tal-Kummissjoni; iqis ukoll li l-Kummissjoni jmissha poġġiet enfasi espliċita fuq is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u b'mod partikolari s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, fil-qafas tal-Istrateġija UE 2020, peress li huma kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti; barra minn hekk, jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma xtaqitx tagħmilhom waħda mit-12-il prijorità l-aktar importanti biex jitnieda mill-ġdid is-suq uniku meta fil-fatt hija tagħraf ir-rwol kruċjali tagħhom biex iċ-ċittadini ma jitilfux l-interess fis-suq uniku;

8.

japprova l-fehma tal-Kummissjoni meta ssostni li r-riforma attwali tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għandu jkollha l-ambizjoni li ssaħħaħ il-kontribut ta’ dawn is-servizzi għall-irkupru ekonomiku fl-UE, u għar-restawr tan-nisġa soċjali;

9.

ifakkar li llum aktar minn qatt qabel, iċ-ċittadini għandhom bżonn servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ta’ kwalità u aċċessibbli biex jingħelbu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi; għalhekk iqis li t-twettiq tal-programmi ta’ riforma u tal-ġlieda kontra d-defiċits pubbliċi mill-Istati Membri m'għandux iwassal għal restrizzjoni tal-firxa u tal-kwalità tas-servizzi fornuti jew finanzjati fil-qafas tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali;

10.

jappella sabiex jiġu adottati dispożizzjonijiet aktar ibbilanċjati u aktar adatti għan-natura tas-servizz pubbliku, għad-dimensjoni lokali, transkonfinali jew Komunitarja tiegħu, għad-diversità tal-metodi ta’ organizzazzjoni tiegħu u tan-nisġa tal-atturi tiegħu, proporzjonati għal-livell effettiv tar-riskju li jkun hemm impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju u li jkun hemm distorsjoni reali tal-kompetizzjoni fis-suq intern;

Ir-reviżjoni tal-pakkett leġislattiv dwar l-għajnuna mill-Istat għandha tikkunsidra l-innovazzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona fir-rigward tas-servizzi pubbliċi

11.

jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta’ Lisbona fil-qasam tas-servizzi pubbliċi bħala valuri komuni tal-Unjoni, u b'mod partikolari: livell għoli f'termini ta’ kwalità, sigurtà u affordability, it-trattament indaqs u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti kif ukoll id-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fil-forniment, il-kummissjonament u l-organizzazzjoni [tas-servizzi pubbliċi];

12.

jenfasizza li l-Artikolu 14 tat-TFUE, li jaqa' taħt id-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali tat-Trattat, jagħti bażi legali ġdida lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jistabbilixxu, permezz ta’ regolamenti, il-prinċipji u l-kundizzjonijiet, speċjalment dawk ekonomiċi u finanzjarji, li permezz tagħhom is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti partikolari tagħhom;

13.

ifakkar lill-Kummissjoni li għandha l-monopolju tad-dritt li tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jimplimentaw il-progress demokratiku ewlieni tat-Trattat ta’ Lisbona inkluż fl-Artikolu 14 tat-TFUE, u li, jekk ma tagħmilx użu minn dan id-dritt, ir-responsabbiltà fil-livell politiku hija kollha tagħha;

14.

jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni b'hekk tobbliga lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex, abbażi ta’ kawżi konkreti, tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar kwistjonijiet li jistħoqqilhom jiġu ċċarati min-naħa tal-leġislatur, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-ispirtu tat-Trattat ta’ Lisbona;

15.

ifakkar li l-Protokoll nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali jagħraf kemm in-natura speċifika u d-diversità tas-servizzi pubbliċi, kif ukoll il-kompetenza prijoritarja tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-provvista, l-eżekuzzjoni, il-finanzjament u l-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi;

16.

madankollu, jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-flessibbiltà kbira li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom b'konformità mat-Trattat ta’ Lisbona tirrikjedi bażi legali fil-qafas tal-leġislazzjoni sekondarja li, fuq il-bażi ta’ għadd ta’ definizzjonijiet, tiggarantixxi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali l-aktar applikazzjoni flessibbli tal-liġi tal-kompetizzjoni rigward is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali;

17.

ifakkar li, b'konformità mad-dispożizzjonijet tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE, l-intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni tas-servizzi pubbliċi huma soġġetti, b'mod partikolari għar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għar-regoli dwar il-projbizzjoni u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, sakemm l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-kompiti speċifiċi mogħtija lilhom mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali jew lokali;

18.

isostni li l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-kumpens għall-ispejjeż netti involuti fl-eżekuzzjoni tas-servizzi pubbliċi mill-intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni tagħhom jiffurmaw kundizzjoni ekonomika u finanzjarja neċessarja għat-twettiq tajjeb tal-kompiti speċifiċi li jingħatawlhom mill-awtoritajiet pubbliċi, aktar u aktar f'dan il-perjodu ta’ kriżi ekonomika u finanzjarja meta s-servizzi pubbliċi qed jaqdu rwol essenzjal ta’ stabbilizzatur awtomatiku u ta’ protezzjoni tal-aktar ċittadini Ewropej vulnerabbli u b'hekk qed jikkontribwixxu sabiex jillimitaw l-impatt soċjali tal-kriżi;

L-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi, l-effiċjenza ekonomika tal-kumpens għal servizz pubbliku u l-produttività tas-servizzi pubbliċi fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u baġitarja

19.

jixtieq ifakkar lill-Kummissjoni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali minn dejjem qagħdu attenti sabiex iwieġbu għall-bżonnijiet taċ-ċittadini fil-livell lokali u għall-iżvilupp ta’ dawn il-bżonnijiet matul iż-żmien u, għal dan il-għan, fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum jagħmlu ħilithom biex jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-fondi pubbliċi sabiex jiggarantixxu l-kwalità, l-aċċessibbiltà, is-sigurtà u l-kontinwità tas-servizzi pubbliċi fit-territorju li huma responsabbli għalih; ifakkar ukoll li l-kriżi attwali saħħet din l-esiġenza ta’ effiċjenza li taqa' taħt l-ogħla responsabbiltà politika tagħhom fir-rigward taċ-ċittadini u tal-elettorat;

20.

f'dan il-kuntest, jixtieq jenfasizza li l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, permezz tal-mutwalizzazzjoni tal-mezzi, għandu potenzjal qawwi ta’ tkabbir għall-effiċjenza tar-riżorsi pubbliċi u l-modernizzazzjoni tas-servizzi bi tweġiba għall-bżonnijiet il-ġodda taċ-ċittadini fit-territorji;

21.

huwa kontra l-introduzzjoni ta’ valutazzjoni tal-effiċjenza ekonomika tal-kumpens għal servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali min-naħa tal-Kummissjoni; fil-fehma tal-KtR, la l-Artikolu 106 u lanqas deċiżjoni jew direttiva unilaterali tal-Kummissjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu ma jikkostitwixxu bażi legali suffiċjenti għal inizjattiva leġislattiva bħal din;

22.

jiddikjara li l-miżura dwar l-effiċjenza ekonomika tal-kumpens għal servizz pubbliku għandha tkun parti minn qafas aktar ġenerali ta’ valutazzjoni tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi li għandha tintegra indikaturi purament kwalitattivi (l-aċċessibbiltà, il-kontinwità ta’ servizz, id-dewmien fit-tweġibiet, is-sodisfazzjon tal-utenti) u mhux biss ekonomiċi, u li waħidha ma tistax tiġġustifika tnaqqis fil-firxa tas-servizz fornut;

23.

isostni biċ-ċar li l-mandat tal-Kummissjoni, bħala awtorità Ewropea fil-qasam tal-kompetizzjoni, ma tikkonċerna bl-ebda mod la l-kundizzjonijiet ta’ allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u lanqas il-kundizzjonijiet ta’ kontribut effettiv tas-servizzi pubbliċi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni, għat-tkabbir u għall-impjiegi, kunsiderazzjonijiet li jmorru ferm lil hinn mill-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ kull kumpens żejjed li għandu mnejn jgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq intern;

24.

ifakkar li dan il-mandat esklużiv tal-Kummissjoni, li hija teżerċita taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, għandu biss l-għan li jissorvelja l-konformità tal-kumpens għal servizz pubbliku li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti fil-Kawża Altmark u li b'hekk jaqa' taħt is-sistema ta’ projbizzjoni u ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat;

It-tkomplija tal-proċess imniedi għall-kjarifika tal-kunċetti ewlenin li jwasslu sabiex kumpens għal servizz pubbliku jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat

25.

jinsab sodisfatt li l-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li l-eżerċizzju ta’ kjarifika tal-kunċetti ewlenin fil-qasam tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat għas-servizzi pubbliċi, li tnieda bosta snin ilu, jitkompla u jiġi uffiċjalizzat, b'mod informali peress li ma jorbotx lill-Kummissjoni, permezz tal-pubblikazzjoni tad-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal relatati mal-mistoqsijiet li jsiru ta’ spiss (2), mal-Gwida għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (3) u mal-ħolqien ta’ sistema ta’ informazzjoni interattiva dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali (4); jitlob lill-Kummissjoni tagħmel formali l-kjarifika tal-kunċetti ewlenin li mhumiex definiti fit-Trattat permezz ta’ proposta għal regolament tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew ibbażata fuq l-Artikolu 14 tat-TFUE u mhux permezz ta’ komunikazzjoni interpretattiva li tinvolvi biss lill-Kummissjoni;

26.

jinsab imħasseb dwar il-fatt li n-nuqqas ta’ definizzjonijiet fil-qasam tas-servizzi pubbliċi kkonsolidati fil-leġislazzjoni tas-suq intern qed iwassal lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-livell tan-negozjati fil-qafas tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) tinkludi minn qabel is-servizzi kollha fin-negozjati mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-ebda speċifiċità tas-servizzi li jaqgħu taħt interess ġenerali;

27.

jissuġġerixxi li s-sistema ta’ informazzjoni interattiva dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali tipprevedi wkoll simulatur interattiv li permezz tiegħu l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jivverifikaw il-kategorizzazzjoni tal-għajnuna;

28.

iqis li waħda mir-raġunijiet għaliex id-Deċiżjoni tal-2005 tal-Kummissjoni ma tantx ġiet applikata mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, barra l-ispejjeż ta’ transazzjoni li ġġib magħha, hija d-diffikultà ta’ traspożizzjoni tar-realtajiet territorjali fil-kunċetti Komunitarji inklużi f'din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari dawk ftit li xejn operattivi ta’ “attività ta’ natura ekonomika”, “impriża”, “impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju”, “vantaġġ ekonomiku”, “mandat”, “impriża medja, amministrata sew u mgħammra b'mod adegwat b'mezzi ta’ trasport” jew “qligħ raġonevoli”;

29.

jenfasizza li din id-diffikultà reali ta’ interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tkompli tiżdied minħabba l-fatt li l-applikazzjoni tagħhom għal tip partikolari ta’ servizz pubbliku mhijiex uniformi iżda tiddependi direttament mill-għażliet ta’ organizzazzjoni u d-dispożizzjonijiet tal-kuntratt li jvarjaw minn awtorità lokali u reġjonali għall-oħra, inkluż fl-istess Stat Membru;

30.

jitlob lill-Kumissjoni sabiex, x'ħin tippreżenta l-abbozz ta’ deċiżjoni riveduta tagħha, tippreżenta reġistru indikattiv Ewropew u mhux vinkolanti tas-servizzi pubbliċi li huma definiti bħala tali mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; jipproponi li dan ir-reġistru, li jista' jitfassal b'kollaborazzjoni mal-Kumitat tar-Reġjuni, għandu, skont l-għażliet ta’ organizzazzjoni, jispeċifika n-natura ekonomika jew mhux ekonomika tal-attività tagħhom, u li jiġi aġġornat fuq bażi annwali b'mod li juri b'mod konkret lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kif għandhom jinftiehmu dawn il-kunċetti, ir-raġunijiet oġġettivi li jwasslu għall-klassifikazzjoni tagħhom bħala attività ta’ natura ekonomika jew mhux ekonomika u l-iżvilupp ta’ din il-klassifikazzjoni matul iż-żmien;

31.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex testendi dan l-eżerċizzju ta’ kjarifika għall-valuri komuni tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi pubbliċi bħalma huma definiti fit-Trattat ta’ Lisbona, u b'mod partikolari livell għoli f'termini ta’ kwalità, sigurtà u affordability, it-trattament indaqs u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti, kif ukoll il-valur komuni tal-Unjoni ta’ aċċess universali applikat fil-qasam tas-servizzi pubbliċi ta’ natura soċjali; f'dan il-kuntest, jiddispjaċih għall-viżjoni restrittiva żviluppata mill-Kummissjoni f'deċiżjonijiet riċenti fil-qasam tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat allokata lill-organizzazzjonijiet responsabbli mid-djar soċjali f'numru dejjem jikber ta’ Stati Membri, u b'mod partikolari fil-każijiet E 2/2005 u N 642/2009 dwar id-djar soċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi, li fihom il-Kummissjoni reġgħet qanqlet il-prinċipju tad-diversità soċjali fid-djar soċjali billi rrikorriet għall-kriterju uniku tad-dħul baxx ħafna; jistieden lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha fil-qafas tar-rikors li qiegħed jiġi ppreżentat attwalment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

32.

f'dan ir-rigward, isostni li hija r-resposabbiltà tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jiddefinixxu l-kompiti partikolari allokati lis-servizzi pubbliċi ta’ natura soċjali kif ukoll in-natura u l-kontenut tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li ġejjin minn dawn il-funzjonijiet, u li għaldaqstant il-Kummissjoni m'għandhiex il-kompetenza biex tintervjeni fil-kundizzjonijiet ta’ allokazzjoni ta’ dawn is-servizzi soċjali lill-familji benefiċjarji u fl-identifikazzjoni tal-kategoriji ta’ familji li l-bżonnijiet soċjali essenzjali tagħhom mhumiex sodisfatti bis-sempliċi forzi tas-suq;

33.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fir-riflessjoni tagħha u fil-proposti tagħha għal reviżjoni, tintegra l-forom kollha li jista' jieħu l-kumpens għal servizz pubbliku, b'kunsiderazzjoni tal-poter diskrezzjonarju kbir li għandhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiffinanzjaw is-servizzi pubbliċi, inkluż il-kumpens f'forma ta’ għajnuna għall-investiment fit-tul meħtieġ għall-finanzjament tal-infrastruttura lokali ta’ servizz pubbliku (sptarijiet, djar soċjali, ċentri ta’ akkoljenza, ċentri kulturali, eċċ.), sabiex ma tillimitax ir-raġunament tagħha rigward il-kompatibbiltà għas-sempliċi sussidji annwali għall-użu, li jistgħu jintirtu minn sena għall-oħra f'każ ta’ kumpens żejjed u sabiex tispeċifika l-kundizzjonijiet ta’ apprezzament tan-nuqqas ta’ kumpens żejjed f'każ ta’ għajnuna għall-investiment fit-tul, b'mod partikolari l-infrastruttura tal-bini u l-proprjetà;

Il-kwistjoni tal-prevenzjoni u l-kontroll tal-kumpens żejjed eventwali għandha tinżamm separata minn dik tal-għażla tal-proċedura applikabbli għas-selezzjoni tal-operatur mill-awtorità pubblika inkarigata mill-organizzazzjoni

34.

jitlob lill-Kummissjoni tifred il-kwistjoni tal-prevenzjoni, il-kontroll u r-rimborż tal-kumpens żejjed eventwali li jaqa' taħt il-prinċipju tal-projbizzjoni tal-għajnuna mill-Istat u tar-rispett tal-garanzija ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni mill-kwistjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kuntrattar u ta’ selezzjoni mill-awtorità pubblika tal-intrapriżi li jistgħu jiġu inkarigati mill-ġestjoni tas-servizz pubbliku u li, skont l-għażla ta’ organizzazzjoni tal-awtorità pubblika, jew jaqgħu taħt il-prinċipji ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni, trattament ugwali u trasparenza mnaqqxa fit-Trattat, pereżempju fil-każ ta’ konċessjonijiet ta’ servizz jew għoti ta’ drittijiet esklużivi jew speċjali, jew inkella jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku;

35.

itenni li l-użu ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti għas-selezzjoni tal-intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizz pubbliku huwa biss waħda minn diversi għażliet ta’ organizzazzjoni, li tikkonsisti f'att ta’ akkwist pubbliku ta’ provvista esterna ta’ servizz pubbliku bil-ħlas, u mhux mod esklużiv kif tiġi evitata l-kwalifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat;

36.

jistieden lill-Kummissjoni tispeċifika b'mod ċar li l-eżekuzzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti, b'konformità mar-regoli tal-Unjoni, dejjem teskludi kumpens żejjed skont ir-regolament dwar l-għajnuna mill-Istat; fl-istess waqt, jistqarr li f'ċerti ċirkostanzi sejħa għall-offerti ma tqisx l-evoluzzjoni fit-tul tal-ispejjeż netti tal-eżekuzzjoni tal-prestazzjoni tas-servizzi, għax il-prezz huwa l-frott ta’ ġlieda għall-poter u ta’ sitwazzjoni tas-suq f'mument. Skont l-istrateġiji tal-penetrazzjoni ta’ ċerti swieq min-naħa tal-operaturi, il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tal-prezz għal kull sejħa għall-offerti jistgħu wkoll jwasslu għal nuqqas ta’ kumpens strutturali li maż-żmien jista' jpoġġi fid-dubju l-prinċipji tal-kontinwità finanzjarja tas-servizz pubbliku u tal-aċċessibbiltà tariffarja tiegħu;

37.

josserva li, barra l-ispejjeż żejda ta’ transazzjoni li s-sejħa għall-offerti tinvolvi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, ċerti servizzi pubbliċi mhumiex adattati għar-riġidità tagħha minħabba raġunijiet ta’ tibdil fis-servizz, kontinwità finanzjarja jew ħtieġa ta’ interess ġenerali tal-kontroll tal-intrapriżi permezz ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni fil-każ li jkun hemm asimetrija ta’ informazzjoni bejn l-utent u l-fornitur ta’ servizz, speċjalment biex jitħarsu l-persuni vulnerabbli meta jħabbtu wiċċhom man-neċessità li jissodisfaw bżonnijiet soċjali bażiċi bħas-saħħa, id-djar jew ix-xogħol, għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi, jew sempliċement minħabba n-nuqqas ta’ interess transkonfinali għall-eżekuzzjoni ta’ servizzi pubbliċi lokali u soċjali;

38.

f'dan ir-rigward, jipproponi lill-Kummissjoni li r-reviżjoni tal-pakkett leġislattiv ikun akkumpanjat minn proposta għal komunikazzjoni interpretattiva, f'forma ta’ “sett ta’ għodod” maħsub għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, li tispeċifika l-leġislazzjoni applikabbli għad-dispożizzjonijiet differenti ta’ eżekuzzjoni tas-servizzi pubbliċi: eżekuzzjoni diretta, eżekuzzjoni b'kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi permezz tal-mutwalizzazzjoni tal-mezzi, eżekuzzjoni diretta minn entità interna, akkwist pubbliku ta’ provvista ta’ servizz pubbliku minn operatur estern bil-ħlas, trasferiment tar-riskju marbut mal-operazzjoni lil operatur estern bil-ħlas jew mingħajr ħlas, għoti ta’ drittijiet esklużivi jew drittijiet speċjali f'forma ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni jew inkella appoġġ finanzjaru mogħti għal xi proġett ta’ interess ġenerali li jkun ġej minn inizjattiva ta’ assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ;

39.

jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ssemplifikat u ċċarat il-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni diretta tas-servizzi u reċentement ukoll dawk relatati mal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali; għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni tipproponi emenda għal-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku sabiex tiġi definita l-ġestjoni diretta adattata għar-realtà tal-awtonomija lokali u l-esiġenza tal-effiċjenza tar-riżorsi pubbliċi fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u baġitarja;

40.

ifakkar li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-każ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandha potenzjal kbir ta’ effiċjenza ekonomika, l-aħjar użu tar-riżorsi pubbliċi u l-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi bi tweġiba għall-iżvilupp tal-bżonnijiet essenzjali taċ-ċittadini fit-territorji;

41.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex, b'konformità mal-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u bejn l-organizzazzjonijiet tal-liġi pubblika titqies bħala deċiżjoni organizzattiva interna ta’ Stat Membru, li mhijiex soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-akkwist pubbliku;

Tweġiba differenzjata u proporzjonata għall-impatt effettiv fuq il-kummerċ intra-Komunitarju

42.

jappoġġja lill-Kummissjoni fir-rieda tagħha li tnaqqas il-piż amministrattiv u baġitarju li jaqa' fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni tas-servizz pubbliku fir-rigward tal-kontrolli regolari ta’ kumpens żejjed, li bħalissa jikkundizzjonaw l-eżenzjoni ta’ notifika u l-kompatibbiltà a priori tal-kumpens għas-servizz pubbliku;

43.

jappoġġja l-metodu propost mill-Kummissjoni, b'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit mit-Trattat, li jiddiversifika l-metodi ta’ kontroll tal-kumpens żejjed eventwali, li jagħti risposta aktar adattata għan-natura esklużivament lokali ta’ ċerti servizzi pubbliċi lokali, b'mod partikolari s-servizzi pubbliċi soċjali li, fil-qagħda attwali tal-iżvilupp tas-suq intern, m'għandhom l-ebda impatt jew inkella għandhom riskju baxx ħafna ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, u li jiffoka fuq is-servizzi pubbliċi b'dimensjoni Komunitarja jew transkonfinali li għandhom impatt aktar sinifikanti fuq is-suq intern minħabba li huma regolati permezz ta’ direttivi settorjali ta’ liberalizzazzjoni jew minħabba l-mod kif inhuma strutturati l-operaturi tagħhom fil-livell Komunitarju jew transkonfinali;

44.

f'dan ir-rigward, iqis li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn: 1) is-sitwazzjonijiet fejn il-kumpens għal servizz pubbliku de minimis ma jaffettwax il-kummerċ intra-Komunitarju u b'hekk ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat; 2) il-kumpens li jingħata għal servizzi pubbliċi b'dimensjoni lokali lil hinn mil-livell limitu de minimis iżda li, minħabba karatteristiki proprji ta’ organizzazzjoni u fil-qagħda attwali tal-iżvilupp tas-suq intern, ma jaffettwax il-kummerċ intra-Komunitarju b'mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni; 3) il-kumpens li jingħata għas-servizzi pubbliċi l-oħrajn b'dimensjoni Komunitarja jew transkonfinali, li huma rregolati permezz ta’ direttivi jew regolamenti settorjali jew li għandhom intrapriżi strutturati fil-livell sopranazzjonali;

45.

iqis li jeħtieġ ukoll li jitqiesu kriterji oġġettivi oħrajn li a priori jinnewtralizzaw kull riskju ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jew ta’ sussidjar reċiproku, bħall-kompetenza territorjali limitata ta’ ċerti operaturi rregolati permezz ta’ sistemi ta’ awtorizzazzjoni, il-kompetenza tas-suġġett limitata ta’ ċerti operaturi, pubbliċi jew privati, li jinħolqu speċifikament biex jipprovdu servizz pubbliku partikolari f'territorju partikolari u li ma jwettqu l-ebda attività kummerċjali fis-suq, in-natura mingħajr skop ta’ qligħ ta’ ċerti intrapriżi soċjali li jerġgħu jinvestu r-riżultati eventwali tagħhom fil-finanzjament tas-servizz pubbliku li huma inkarigati minnu, bi tnaqqis tal-kumpens futur. Dawn il-karatteristiki oġġettivi, marbutin man-natura partikolari tal-operatur u l-pedament lokali tiegħu, jinnewtralizzaw kull riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju;

46.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex, fil-qasam tal-kontrolli regolari ta’ kumpens żejjed li bħalissa jikkundizzjonaw l-eżenzjoni ta’ notifika tal-kumpens żejjed għal servizz pubbliku u l-prevenzjoni ta’ dan il-kumpens żejjed eventwali, id-deċiżjoni ssir aktar flessibbli, sabiex ir-responsabbiltà li jiġu definiti l-metodi konkreti ta’ prevenzjoni u r-ritmu tal-kontrolli tingħata lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti u li, b'kumpens ta’ dan, ir-rimedji f'każ ta’ kumpens żejjed ippruvat jiġu ssemplifikati għall-intrapriżi;

47.

jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċità tas-servizzi pubbliċi lokali u soċjali organizzati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq skala relattivament żgħira u magħluqa u li ma jaffettwawx il-kummerċ bejn l-Istati Membri; jitlob li f'dawn il-każijiet jiġu previsti proċeduri u regoli semplifikati għall-eżenzjoni mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li titqies in-natura lokali u limitata ta’ dawn is-servizzi pubbliċi; partikolarment fir-reġjuni l-aktar iżolati u mbiegħda bħar-reġjuni ultraperiferiċi, il-gżejjer u r-reġjuni tal-muntanja; madankollu, iqis li l-verifika ta’ din in-natura lokali u ċirkoskritta ma tistax tiddependi biss mill-kriterju tal-popolazzjoni iżda trid issir abbażi ta’ għadd ta’ indikaturi li jqisu b'mod partikolari s-sitwazzjoni ġeografika ta’ awtorità u tal-firxa tal-utenti potenzjali tas-servizzi pubbliċi kkonċernati;

48.

jinnota li l-ewwel żewġ kriterji tal-Kawża Altmark, jiġifieri l-obbligu li jiġi definit b'mod ċar il-kompitu ta’ servizz pubbliku li l-benefiċjarju tal-għajnuna huwa inkarigat minnu u li jiġu stabbiliti minn qabel u b'mod oġġettiv u trasparenti l-parametri li abbażi tagħhom jitkejlu l-ħlasijiet ta’ kumpens, iqiegħdu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-obbligu li jagħmlu sforz biex ikunu espliċiti dwar il-kompiti ta’ servizz pubbliku; jinnota li l-eżiġenzi relatati mal-mandat m'għandhomx joħolqu obbligi mhux mixtieqa fir-rigward tat-tassazzjoni tal-valur tal-bejgħ; għaldaqstant jitlob li l-kriterji jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tad-direttiva Ewropea dwar il-VAT;

49.

iqis li dan l-isforz jista' biss jikkonribwixxi għal aktar trasparenza u aktar responsabbiltà demokratika fil-ġestjoni tas-servizzi pubbliċi kemm-il darba jkun proporzjonat u raġonevoli, ma jġibx miegħu piż amministrattiv kbir wisq għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-intrapriżi u ma jkunx ta’ ħsara għall-prinċipju li s-servizzi pubbliċi jkunu jistgħu jiġu adattati għall-iżvilupp tal-bżonnijiet kollettivi. Jipproponi lill-Kümmissjoni li, b'konformità mal-prinċipju tat-trasparenza tat-Trattat u fil-kuntest tal-bżonn li s-servizzi pubbliċi jsiru aktar ċari għaċ-ċittadini, tikkundizzjona kull waħda minn dawn id-deċiżjonijiet fil-qasam tal-kumpens għal servizz pubbliku għall-eżistenza ta’ “kuntratt ta’ servizz pubbliku” minflok il-“mandat” fis-seħħ bħalissa li ma tantx hu espliċitu għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u għaċ-ċittadini;

Proposti kostruttivi u bilanċjati sabiex, b'konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà stabbiliti mit-Trattat, jiġi ggarantit l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni biċ-ċertezza legali kollha għall-awtoritajiet pubbliċi, għall-intrapriżi inkarigati minnhom u għaċ-ċittadini li jibbenefikaw minnhom

50.

jixtieq iwassal lill-Kummissjoni proposti konkreti, kostruttivi u bilanċjati maħsuba biex jissemplifikaw u jiċċaraw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ bħalissa, biex jiggarantixxu li l-awtoritajiet lokali u reġjonali japplikawhom b'mod effettiv għal finijiet ta’ ċertezza legali u prevedibbiltà legali, liema proposti huma msejsa fuq il-prinċipji tal-proporzjonalità u t-trasparenza tat-Trattat;

51.

jipproponi lill-Kummissjoni li l-livell limitu tar-Regolament de minimis  (5) ta’ EUR 200 000 għal tliet snin, li fejn ma jintlaħaqx għajnuna pubblika ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat, jogħla speċifikament għall-każ ta’ kumpens għal servizz pubbliku għal EUR 800 000 (6) fis-sena, biex b'hekk jiġu esklużi mill-ambitu tal-kontrolli tal-għajuna mill-Istat is-servizzi kollha fil-livell lokali, b'mod partikolari dawk imsejsa fuq in-nisġa assoċjattiva lokali u fuq mikrointrapriżi soċjali stabbiliti fil-livell lokali speċjalment fil-qasam tal-iżvilupp soċjali lokali, bħall-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-esklużjoni, l-animazzjoni lokali, l-iżvilupp ta’ attivitajiet kulturali, sportivi jew soċjali u edukattivi, eċċ. Din il-proposta hija msejsa fuq in-nuqqas ta’ riskju ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju ta’ dan it-tip ta’ servizzi pubbliċi fil-livell lokali u fuq l-impossibbiltà materjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jissottomettu dan it-tip ta’ atturi lokali għas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat minħabba d-densità partikolari tan-nisġa tiegħu;

52.

jipproponi lill-Kummissjoni li l-kumpens li jaqbeż it-EUR 800 000 fis-sena mogħti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali lil intrapriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi pubbliċi b'dimensjoni lokali, inklużi s-servizzi pubbliċi ta’ natura soċjali, jiddependi minn deċiżjoni ġdida semplifikata ta’ kontabbiltà a priori skont is-sistema tal-għajnuna mill-Istat li, fil-qagħda attwali tal-iżvilupp tas-suq intern, hija msejsa fuq ir-riskju baxx ħafna ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju. Ir-riskju ta’ impatt fuq il-kummerċ huwa baxx ħafna kemm minħabba n-natura purament lokali tas-servizz pubbliku, minħabba l-metodu ta’ organizzazzjoni settorjali u b'mod partikolari minħabba l-karatteristiki speċifiċi tal-operaturi tiegħu relatati ma’ dan il-metodu, f'termini ta’ pedament lokali u ta’ nuqqas ta’ dimensjoni Komunitarja jew transkonfinali;

53.

iqis li l-karatteristiki oġġettivi li ġejjin għandhom jikkundizzjonaw l-applikazzjoni tad-deċiżjoni semplifikata għax, fil-qagħda attwali tal-iżvilupp tas-suq intern, jiggarantixxu riskju baxx ħafna ta’ impatt fuq il-kummerċ intra-Komunitarju: il-kumpens jingħata minn awtorità lokali u/jew reġjonali, minn grupp ta’ awtoritajiet lokali u/jew reġjonali jew minn kwalunkwe entità inkarigata f'dan ir-rigward minn awtorità lokali u/jew reġjonali; il-kumpens jingħata għall-eżekuzzjoni ta’ servizz pubbliku b'dimensjoni reġjonali jew lokali, li jkun limitat għal territorju partikolari u li jkun jikkorispondi għall-bżonnijiet speċifiċi tal-abitanti ta’ dan it-territorju; il-kumpens jingħata lil intrapriżi li, de jure jew de facto, għandhom kompetenza territorjali limitata ghat-territorju ta’ eżekuzzjoni tas-servizz pubbliku jew li ma jeżerċitawx attivitajiet oħrajn ta’ natura kummerċjali, maħluqin speċifikament biex jissodisfaw il-bżonnijiet essenzjali jew li jerġgħu jallokaw ir-riżultati eventwali tat-tħaddim tas-servizz pubbliku fil-finanzjament tas-servizz pubbliku bit-tnaqqis ta’ kumpens futur;

54.

jipproponi li, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tat-Trattat, id-deċiżjoni semplifikata ta’ kompatibbiltà a priori tal-kumpens għal servizz pubbliku b'dimensjoni lokali u/jew reġjonali tinkariga lill-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu l-kumpens sabiex jieħdu l-miżuri utli maħsuba biex jipprevjenu, jikkontrollaw u jinnewtralizzaw kull sitwazzjoni ta’ kumpens żejjed eventwali, bil-kunsiderazzjoni tal-fatt li huwa fl-interess dirett tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jipprevjenu kull sitwazzjoni ta’ kumpens żejjed eventwali. B'kumpens ta’ dan, ir-rimedji f'każ ta’ kumpens żejjed ippruvat għandhom jiġu ssemplifikati;

55.

jipproponi li għas-servizzi pubbliċi b'dimensjoni Komunitarja jew transkonfinali, li huma rregolati permezz ta’ direttivi jew regolamenti Komunitarji, bħar-Regolament dwar l-obbligi tas-servizzi pubbliċi tat-trasport fuq l-art (7), kif ukoll għas-servizzi pubbliċi l-oħrajn li mhumiex irregolati permezz tal-leġislazzjoni Komunitarja iżda li l-karatteristiki tagħhom ma jissodisfawx dawk definiti fid-deċiżjoni semplifikata l-ġdida, speċjalment minħabba l-mod kif l-operaturi huma strutturati fil-livell Komunitarju jew f'dak transkonfinali, il-kwistjonijiet ta’ kompatibbiltà tal-kumpens għal servizz pubbliku, inklużi l-livell tal-ispejjeż netti tal-eżekuzzjoni tiegħu, l-effiċjenza tal-operaturi u l-qafas eventwali li jirregola l-qligħ raġonevoli, ikunu soġġetti għal approċċ settorjali u mhux orizzontali, adattat għall-ispeċifiċitajiet ta’ kull servizz pubbliku, u jiġu deċiżi b'kodeċiżjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Sa ma jiġu riveduti d-direttivi jew regolamenti eżistenti u jiġu adottati direttivi jew regolamenti settorjali ġodda, il-qafas Komunitarju fis-seħħ bħalissa għandu jibqa' fis-seħħ filwaqt li jikkunsidra s-semplifikazzjonijiet proposti f'termini ta’ kumpens għal servizz pubbliku de minimis u ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà a priori tas-servizzi pubbliċi b'dimensjoni lokali;

56.

jipproponi lill-Kummissjoni li, b'konformità mal-prinċipju tat-trasparenza stabbilit mit-Trattat u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 14 u 106(2) tat-TFUE, l-applikazzjoni ta’ dawn it-tliet dispożizzjonijiet tkun ikkundizzjonata, minn naħa waħda, għall-eżistenza ta’ “kuntratt ta’ servizz pubbliku” (8), jiġifieri ta’ kull att uffiċjali: 1) li jagħraf li l-kompitu mwettaq mill-operatur huwa wieħed ta’ interess ġenerali u li dan il-kompitu jaqa' taħt l-ambitu tal-Artikoli 14 u 106(2) tat-TFUE u tal-Artikolu 2 tal-Protokoll nru 26; 2) li jispeċifika n-natura tal-obbligi partikolari relatati ma’ dan kif ukoll it-territorju kkonċernat; u 3) li jistabbilixxi l-parametri għall-kejl tal-kumpens għal servizz pubbliku mogħti, u min-naħa l-oħra, għall-pubblikazzjoni ta’ dan il-“kuntratt ta’ servizz pubbliku” fil-ĠU tal-UE f'reġistru speċifiku maħluq għal dan il-għan.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Att dwar is-Suq Uniku. Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna. 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma’ xulxin. COM(2010) 608 finali.

(2)  “Mistoqsijiet li spiss isiru dwar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (KE) Nru 842/2005 tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE dwar Għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħtija lil ċerti impriżi inkarigati bl-operat ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, u l-Qafas Komunitarju għall-għajnuna Statali fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku.” Anness għall-Komunikazzjoni dwar “Servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid” COM (2007) 725 finali SEC (2007) 1514.

(3)  SEC (2010) 1545, 07.12.2010.

(4)  http://ec.europa.eu/services_general_interest/index_en.htm

(5)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis.

(6)  Dawn jikkorrispondu għal-ispejjeż netti medji ta’ eżekuzzjoni ta’ servizz pubbliku fil-livell lokali mingħajr qligħ raġonevoli ta’ assoċjazzjoni magħmula minn 20 sa 25 impjegat.

(7)  Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70.

(8)  Skont it-tifsira tar-Regolament KE nru 1370/2007 msemmi hawn fuq.


2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/48


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara”

2011/C 259/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jitlob li kull inizjattiva adottata fil-livell Ewropew fil-qasam tal-infrastruttura tikkunsidra l-ġestjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet fil-livell reġjonali u lokali;

jappella biex ir-rwol u l-bżonnijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu kkunsidrati fl-istudju ta’ kull proġett ta’ żvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija u biex issir valutazzjoni bir-reqqa tar-rapport kostbenefiċċju li jista’ jirriżulta mit-twettiq ta’ tali proġġetti fil-livell lokali, reġjonali u saħansitra makroreġonali;

iqis li l-valutazzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija għandha tkejjel l-impatt ta’ dawn il-proġetti kemm fil-qasam tas-sigurtà enerġetika kif ukoll tal-ambjent u l-pajsaġġi kif ukoll fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku;

jilqa’ b’mod favorevoli ħafna l-prijorità mogħtija mill-KE lill-iżvilupp tat-teknoloġiji marbutin mal-ħolqien ta’ netwerks intelliġenti. Dan it-tip ta’ netwerk huwa kruċjali għat-tħaddim tajjeb ta’ suq tal-enerġija li jippermetti użu iktar effikaċi u effiċjenti tar-riżorsi;

jinsab imħasseb li l-Kummissjoni Ewropea mhux ser tkun tista’ tipproponi pjan ta’ finanzjament sħiħ u dettaljat ta’ dan il-programm ta’ żvilupp ta’ infrastruttura tal-enerġija;

jitlob li jkun jista’ jsemma’ leħnu dwar il-kwistjonijiet kruċjali li ser jinkludu l-baġit tal-programm, il-modi ta’ finanzjament previsti, il-livelli tal-kontributi li ser jaqgħu fuq kull wieħed mill-atturi, b’mod partikolari fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda anke fuq il-konsumaturi kollha.

Relatur

Is-Sur Michel LEBRUN (BE/PPE), Membru tal-Parlament tal-Komunità Franċiża

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara – Pjan dettaljat għal netwerk tal-enerġija Ewropew integrat

COM(2010) 677 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

bi pjaċir jinnota li l-Unjoni Ewropea ħadet l-impenn bis-sħiħ f’dan il-kompitu immens u kruċjali għall-iżvilupp simultanju ta’ supergrid Ewropea għall-enerġija, ta’ interkonnessjonijiet effiċjenti u ta’ netwerks intelliġenti deċentralizzati. Il-Kumitat tar-Reġjuni jista’ biss iħossu entużjast meta jara li l-awtoritajiet reġjonali periferali fl-aħħar ġew ikkunsidrati fil-qafas ta’ din l-inizjattiva u se jiġu integrati f’dawn in-netwerks. Il-koerenza territorjali u s-solidarjetà interreġjonali ssaħħew bil-ħolqien ta’ dawn l-istrutturi, bil-kundizzjoni ċara li t-tħassib u l-interessi ta’ kull waħda mill-awtoritajiet ikunu jistgħu jinstemgħu u jiġu kkunsidrati b’mod sħiħ matul it-tħejjija ta’ dawn il-proġetti.

2.

b’hekk, jinnota li fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Prijoritajiet tal-infrastruttura tal-enerġija għall-2020 u wara, il-Kummissjoni Ewropea nnotat l-importanza li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess sħiħ tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija Ewropej kif ukoll fl-iżvilupp tas-supergrid integrata tal-futur. Il-Kumitat tar-Reġjuni jisħaq fuq il-fatt li din il-parteċipazzjoni għandha tiġi prevista sa mill-ewwel stadji tal-analiżi.

3.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fis-suċċess tal-pjani mħabbra mill-Kummissjoni Ewropea minħabba l-kompetenzi u r-responsabbiltajiet tagħhom fid-diversi attivitajiet marbutin mal-ippjanar, l-għoti ta’ permessi, l-investimenti, l-akkwisti pubbliċi, il-produzzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni, il-kontroll tal-konsum tal-enerġija u t-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kif ukoll it-trattament u l-ħżin tal-iskart tal-enerġija. Għalhekk, kull inizjattiva adottata fil-livell Ewropew f’termini ta’ infrastruttura għandha tikkunsidra l-ġestjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet fil-livelli reġjonali u lokali.

4.

japprezza b’mod partikolari l-attenzjoni li ngħatat lill-mekkaniżmi tar-raggruppamenti reġjonali. Minbarra r-rwol tiegħu ta’ faċilitatur, jiġifieri li jħaffef il-proċeduri tal-ippjanar, il-finanzjament, l-implimentazzjoni, is-segwitu u l-monitoraġġ tal-proġetti previsti, il-ħolqien sistematiku ta’ pjattaformi reġjonali speċjalizzati se jkun indispensabbli għall-kollaborazzjoni sħiħa u l-adeżjoni tal-atturi kollha reġjonali u lokali kkonċernati mill-introduzzjoni tal-infrastrutturi l-ġodda tal-enerġija.

5.

jitlob li tingħata attenzjoni partikolari biex iċ-ċittadini jiġu infurmati b’mod sistematiku u fil-ħin dwar l-introduzzjoni ta’ strutturi ġodda. Hija ħaġa kruċjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, direttament f’kuntatt maċ-ċittadini, jużaw il-mezzi u l-istrutturi li jippermettulhom li jinfurmaw u jikkonsultaw b’mod sodisfaċenti l-opinjoni pubblika sabiex ikunu jistgħu jiżguraw l-appoġġ għall-adeżjoni għall-proġett innifsu. Huwa importanti wkoll li l-Kummissjoni tiggarantixxi livell ogħla ta’ trasparenza fil-ħolqien tal-mudelli li jiddeterminaw il-ħtieġa ta’ dawn l-infrastrutturi tal-enerġija, li tistabbilixxi kompetizzjoni bejn dawn il-mudelli differenti u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jikkontrollaw il-parametri u l-modi ta’ kalkolu użati biex jiġu stabbiliti dawn il-mudelli.

Messaġġi ewlenin

6.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li għandu jiġi rikonoxxut li l-Unjoni Ewropea mhux ser tkun tista’ tikseb l-għanijiet tagħha tal-enerġija rinnovabbli, tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tas-sigurtà tal-provvista sakemm ma tapprovax investimenti konsiderevoli, bil-għan li tiżviluppa l-iżjed ekonomija effikaċi mill-perspettiva tal-enerġija li, barra minn hekk, tinvolvi l-modernizzazzjoni tan-netwerks trans-Ewropej, l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet u l-integrazzjoni prijoritarja tal-enerġija rinnovabbli f’dawn in-netwerks, l-iżjed permezz tal-iżvilupp estensiv tan-netwerks b’vultaġġ medju u baxx, li hija kundizzjoni meħtieġa għall-ksib ta’ produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

7.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Riżoluzzjoni reċenti tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-konsegwenzi tal-katastrofi naturali fil-Ġappun u l-konsegwenzi tad-diżastru nukleari: tagħlimiet għall-Unjoni Ewropea”, u b’mod partikolari l-punti 14 u 16, u jitlob li l-ippjanar tal-infrastrutturi futuri tal-enerġija jqisu din ir-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, jitlob li jitqiesu sewwa l-għanijiet marbuta mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra minn issa sal-2050. Huwa partikolarment importanti li ssir applikazzjoni stretta tar-rekwiżit li l-pajjiżi kollha jilħqu jew jaqbżu l-għanijiet tagħhom fil-qasam tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-fossili kombustibbli, pereżempju tal-karbonju, iż-żejt u l-gass naturali.

8.

jenfasizza li għandhom jiġu identifikati, skont l-importanza relattiva tagħhom, il-postijiet fejn l-infrastrutturi jistgħu jittejbu jew jiġu modernizzati u fejn hemm bżonn ta’ infrastrutturi ġodda;

9.

jenfasizza l-bżonn li jiġu previsti miżuri addizzjonali għall-ġestjoni tad-domanda, kif ukoll il-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-qasam tal-ekonomiji tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għall-2020. Il-ħtiġijiet b’rabta mal-infrastruttura tal-enerġija ser jiddependu mill-kapaċità tagħna li nirrazzjonalizzaw il-konsum tagħna.

10.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li politiki nazzjonali u Ewropej adegwati jippermettu lis-supergrid Ewropea tal-futur li ssir il-mutur li bih jiġi kompletat is-suq intern Ewropew għall-elettriku u tal-gass naturali, u li bis-saħħa t’hekk il-kompetizzjoni ssir effettiva f’dan il-qasam. Il-Kumitat tar-Reġjuni jqis li t-twettiq ta’ dan il-proġett ta’ suq uniku effettiv u l-ħolqien ta’ netwerk tal-enerġija Ewropew integrat li jaħdem sew, huma neċessarji biex jiġu żgurati l-livelli ta’ prosperità u l-koeżjoni bħal dawk li ġew stabbiliti fl-għanijiet 2020 tal-Unjoni Ewropea.

11.

jagħraf l-importanza ta’ infrastrutturi tal-gass effiċjenti għall-promozzjoni tad-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista u għat-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika ta’ ċerti reġjuni u jenfasizza l-bżonn li jiġu stabbiliti regoli fi ħdan dawn l-infrastrutturi li jiggarantixxu livell ogħla ta’ flessibbiltà, b’mod partikolari biex ikunu possibbli flussi inversi bil-għan li ċerti reġjuni ma jibqgħux dipendenti minn sors ta’ provvista wieħed. Jemmen li huwa importanti li jiġu żviluppati infrastrutturi tal-gass li jqisu bis-sħiħ il-kontribut tat-terminals tal-gass naturali likwifikat u l-gass naturali kkompressat.

12.

iqis li l-miżuri proposti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea ser jikkomplementaw it-tielet pakkett billi jindirizzaw it-talba għall-investiment fil-qasam tal-produzzjoni u t-trasport tal-enerġija.

13.

f’dan il-kuntest, jagħraf ir-rwol tal-aġenziji tar-regolazzjoni tas-suq tal-enerġija biex jiggarantixxu l-pertinenza u l-effikaċja tal-investimenti fl-infrastrutturi tal-enerġija, kemm ċentralizzati kif ukoll deċentralizzati.

14.

jilqa’ b’mod favorevoli ħafna l-prijorità li ngħatat lill-iżvilupp tat-teknoloġiji relatati mal-ħolqien ta’ netwerks intelliġenti. Netwerks bħal dawn ser ikunu kruċjali għat-tħaddim sew tas-suq tal-enerġija billi jippermettu użu iktar effettiv u effiċjenti tar-riżorsi. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li tkun tista’ tinħoloq pjattaforma ta’ konsultazzjoni, ta’ informazzjoni u ta’ skambji dwar dan in-netwerk intelliġenti tal-futur.

15.

iqis li l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija hija għodda qawwija u kosteffettiva biex naslu għal ġejjieni ta’ enerġija sostenibbli, u li tista’ tnaqqas parzjalment il-ħtieġa li jsiru investimenti fl-infrastrutturi tal-enerġija;

16.

jinsab imħasseb li l-Kummissjoni Ewropea mhux ser tkun tista’ tipproponi pjan ta’ finanzjament sħiħ u dettaljat ta’ dan il-programm ta’ żvilupp ta’ infrastruttura tal-enerġija. Għalhekk, jiddispjaċih li ma jistax isemma’ leħnu dwar il-kwistjonijiet kruċjali li ser jinkludu l-baġit tal-programm, il-modi ta’ finanzjament previsti, il-livelli tal-kontributi li ser jaqgħu fuq kull wieħed mill-atturi, b’mod partikolari fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda anke fuq il-konsumaturi kollha.

17.

jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni Ewropea li jinħoloq fond Ewropew għall-infrastruttura li jipprovdi finanzjament għall-proġetti l-kbar kollha tal-infrastruttura li huma ta’ interess Ewropew fl-oqsma tal-enerġija, il-broadband u t-trasport, inklużi n-netwerks TEN.

18.

jiddispjaċih ukoll li ma ġewx definiti miri kwantitattivi fir-rigward tal-vantaġġi li jridu jinkisbu minn din l-istrateġija.

19.

għalhekk jitlob b’mod urġenti li tiġi stabbilita u komunikata mill-iktar fis possibbli l-informazzjoni sħiħa u dettaljata rigward il-modi u l-mezzi ta’ finanzjament analizzati mill-Kummissjoni u li tingħatalu l-possibbiltà li jesprimi l-pożizzjoni tiegħu fuq dawn il-kwistjonijiet fil-futur.

20.

jappella biex ir-rwol u l-bżonnijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu kkunsidrati meta jiġi analizzat kull proġett ta’ żvilupp ta’ infrastrutturi tal-enerġija. Huwa indispensabbli li b’mod sistematiku ssir valutazzjoni dettaljata tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji li t-twettiq ta’ dawn il-proġetti jista’ joħloq fil-livell lokali, reġjonali u makroreġjonali. Din il-valutazzjoni għandha tkejjel l-impatt ta’ dawn il-proġetti fuq is-sigurtà tal-enerġija daqs kemm fuq l-ambjent u l-pajsaġġi kif ukoll fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tar-reġjuni. Huwa magħruf li l-oġġezzjonijiet imqajma miċ-ċittadini huma ostaklu kbir għall-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-enerġija. Jekk il-komunitajiet lokali jintwerew il-vantaġġi li joffrilhom l-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-enerġija kif ukoll l-impatt ta’ dan fuq l-ambjent, dan jista’ jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex dawn l-oġġezzjonijiet jisfaw fix-xejn.

21.

jagħraf li l-livell nazzjonali jibqa’ indispensabbli għall-koordinazzjoni tal-investimenti fin-netwerks u l-interkonnessjonijiet. Madankollu, il-Kumitat tar-Reġjuni jtenni l-fatt li parti sostanzjali mill-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, b’mod partikolari fil-bini, tinbet mill-inizjattivi li jkunu ttieħdu fil-livell lokali u reġjonali.

22.

jinnota li l-iżvilupp ta’ infrastrutturi għat-trasport tal-elettriku bejn l-UE u pajjiżi terzi, jista’ jżid, jew f’ċerti każijiet joħloq, ir-riskju ta’ ħruġ ta’ karbonju, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tanalizza malajr it-tibdiliet li għandhom isiru lis-suq Ewropew tal-kwoti biex jiġi evitat dan il-ħruġ ta’ karbonju. Għandhom jitqiesu soluzzjonijiet alternattivi differenti, bħal mekkaniżmu ta’ inklużjoni tal-karbonju.

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

23.

jirrikonoxxi l-interess ekonomiku, ambjentali u soċjali li jirrappreżenta l-proġett ta’ modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija Ewropej, billi jippermetti li jiġu attirati l-industriji u li jinħolqu industriji ġodda fil-qasam tal-enerġija, kif ukoll li jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ għadd ta’ impjiegi fis-settur. Ir-reġjuni u l-lokalitajiet jistgħu jkunu fost l-ewwel benefiċjarji ta’ dawn l-impatti pożittivi.

24.

jenfasizza l-importanza li s-sorsi tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli jiġu integrati fin-netwerks tal-enerġija trans-Ewropej min-netwerks reġjonali u lokali, li tippermettilhom jibbenefikaw mill-faċilitajiet tat-trasport u d-distribuzzjoni u b’hekk ikunu jistgħu jiżviluppaw.

25.

b’mod partikolari, jappella biex isir it-tibdil meħtieġ fl-infrastruttura sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati “intergrids” intelliġenti biex in-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju u l-kooperattivi jkunu jistgħu jiġġeneraw l-enerġija ekoloġika tagħhom stess u jaqsmuha fuq bażi ta’ bejn il-pari fir-reġjuni kollha; jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex torganizza konferenza speċjali mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati rilevanti sabiex tinbeda t-trasformazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija Ewropea.

26.

iqis importanti li jisħaq fuq il-possibbiltajiet ta’ innovazzjoni u ta’ żvilupp teknoloġiku li toffri din l-istrateġija għat-tmexxija u l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej fis-settur tat-tagħmir (speċjalment f’dawk l-oqsma li għandhom x’jaqsmu mal-elettriku, bħal, pereżempju, il-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli, in-netwerks intelliġenti u b’effiċjenza għolja ħafna, is-sistemi l-ġodda tal-ħżin tal-elettriku, jew it-tisħiħ tal-vetturi li jaħdmu bl-elettriku) u jappella biex jissaħħu l-istrateġija Ewropea għat-teknoloġiji tal-enerġija u l-inizjattivi tal-programmi qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp f’dan is-settur.

27.

jinnota li mingħajr infrastrutturi ta’ netwerk iktar effiċjenti u iktar intelliġenti, wieħed ma jistax jistenna n-nuqqas ta’ titjib fil-prezz tal-konsum, l-innovazzjoni u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, b’mod partikolari fi ħdan ir-reġjuni ekonomikament inqas interessanti għall-kumpaniji, jiġifieri r-reġjuni periferali, ir-reġjuni bi ftit nies jew ekonomikament iktar dgħajfin.

28.

ifakkar li l-produzzjoni ċentralizzata f’installazzjonijiet fuq skala kbira għall-ġenerazzjoni tal-enerġija elettrika għadha importanti għall-funzjonament tas-suq intern Ewropew tal-enerġija; iżda, għandha tingħata spinta sostanzjali permezz ta’ installazzjonijiet għall-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija u sistemi intelliġenti tal-kontroll u tat-trasport. B’hekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza li l-bliet u r-reġjuni għandhom jitħeġġu iktar biex jiżviluppaw sistemi u teknoloġiji deċentralizzati, għax dan jgħin ukoll biex jiġi evitat l-istabbiliment ta’ monopolji fil-qasam tal-enerġija u jista’ jħeġġeġ parteċipazzjoni ikbar taċ-ċittadini, u b’hekk aċċettazzjoni ikbar ta’ industrija tal-enerġija aktar sostenibbli.

29.

jenfasizza li d-deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija għall-ħolqien taċ-ċentri ta’ produzzjoni żgħar fil-livell lokali u reġjonali f’postijiet li jirrispettaw l-ambjent tirrappreżenta miżura effikaċi għall-bliet u r-reġjuni u għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli li ma tniġġisx, fi sforz biex jitħares l-ambjent u jiġi miġġieled it-tisħin globali.

30.

iżid jgħid li l-iżvilupp tas-sorsi tal-produzzjoni deċentralizzati jippermetti wkoll lill-Unjoni Ewropea kollha biex bil-mod il-mod ma tibqax daqshekk dipendenti minn barra għall-enerġija u biex b’hekk tikkonsolida s-sigurtà tal-provvista tagħha.

31.

jitlob bil-qawwa li jiġi involut fit-tħejjija tal-metodoloġija li ser tiġi adottata għad-definizzjoni tal-proġetti konkreti li ser jiġu dikjarati fl-interess Ewropew kif ukoll il-mezzi li se jkunu neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-prijoritajiet b’mod flessibbli u adattat għall-partikolaritajiet lokali u reġjonali rigward il-kundizzjonijiet tas-suq u l-għażliet offruti mit-teknoloġija.

32.

jappoġġja l-ħolqien ta’ pjattaformi speċjalizzati fil-livell makroreġjonali intiżi biex jiffaċilitaw it-twettiq tal-prijoritajiet identifikati. Dawn il-pjattaformi għandhom jiġu attivati wara l-analiżi tal-proġetti u għandhom jiġu involuti f’kull stadju tat-twettiq, li jinkludi t-tħejjija tal-pjani ta’ finanzjament u tal-baġit tagħhom.

33.

b’rabta ma’ dan jilqa’ bi pjaċir l-inizjattiva ta’ netwerk offshore tal-pajjiżi tal-Baħar tat-Tramuntana tal-UE u n-Norveġja, biex tiġi żviluppata l-enerġija mir-riħ offshore kif ukoll biex l-infrastruttura fl-ibħra tat-Tramuntana tiġi kkoordinata aħjar, billi l-enerġija mir-riħ ser taqdi rwol deċiżiv biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE fl-oqsma tal-enerġija u l-klima.

34.

jitlob għal tisħiħ sostanzjali tar-rwol tal-inizjattivi reġjonali fir-rigward tal-enerġija billi korpi speċjalizzati jingħataw il-kompiti tal-ippjanar tekniku u finanzjarju kif ukoll il-valutazzjoni tal-impatt ta’ dawn il-proġetti. L-implimentazzjoni tal-istrutturi reġjonali ad hoc hija rakkomandabbli wkoll sakemm dawn ikunu jistgħu jużaw metodi ta’ ħidma u mekkaniżmi ta’ deċiżjonijiet effettivi u effiċjenti.

35.

jinnota r-riżultati ferm inkoraġġanti li wasslu għall-ħolqien ta’ gruppi ta’ livell għoli f’dan il-qasam tal-kooperazzjoni interreġjonali u internazzjonali. Madankollu, il-Kumitat tar-Reġjuni għadu mħasseb dwar kemm hemm ċans li leħen l-awtoritajiet lokali u reġjonali inqas importanti jingħata widen f’dan it-tip ta’ konfigurazzjoni.

36.

jinsab dispjaċut bħall-Kummissjoni għar-rata bil-mod li biha għaddejjin bħalissa l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-infrastrutturi tal-enerġija u jitlob li dawn il-proċeduri jiġu semplifikati, koordinati aħjar u mtejba. Madankollu, ma jkunx aċċettabbli li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħala l-entitajiet prinċipali responsabbli u kkonċernati mill-impatt li ċerti proġetti tal-enerġija jista’ jkollhom fuq iċ-ċittadini, jitwarrbu mill-proċess tal-attribuzzjoni.

37.

jilqa’ b’mod favorevoli l-proposta li tinħoloq awtorità ta’ kuntatt bħala one-stop-shop, tip ta’ interface bejn l-aġenti tal-promozzjoni u l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati fil-livell nazzjonali, reġjonali u/jew lokali. Il-Kumitat tar-Reġjuni jisħaq fuq il-fatt li m’għandu jkun hemm l-ebda preġudizzju kontra l-kompetenzi akkwistati mill-awtoritajiet reġjonali.

38.

jitlob li jiġu adottati skadenzi massimi għall-għoti ta’ permessi adegwati li jiżguraw valutazzjoni korretta u kompleta tal-proġetti u jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, filwaqt li jiffaċilitaw l-ippjanar u l-iżvilupp tal-infrastruttura.

39.

itenni x-xewqa tiegħu li jara liċ-ċittadini involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet sa mill-ewwel stadji tal-analiżi tal-proġetti. Dan l-involviment għandu jkun ċar, miftuħ, konkret u jiżgura kull trasparenza meħtieġa għall-adeżjoni tagħhom fi proġett komuni. L-iskeda ppjanata stess għandha tiġi promossa kemm jista’ jkun sabiex kulħadd ikun jista’ jsemma’ leħnu biex jieħu tweġiba għall-mistoqsijiet tiegħu.

40.

jixtieq jieħu sehem attiv fit-tħejjija tal-linji gwida mmirati biex itejbu t-trasparenza u previdibbiltà ta’ dan il-proċess tal-għoti ta’ permessi sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu kapaċi jilħqu b’mod sodisfaċenti l-għanijiet tagħhom li jinfurmaw u jikkomunikaw l-effetti negattivi u pożittivi tal-proġetti, tat-trasparenza, tal-kunsiderazzjoni tal-opinjonijiet li jkunu nħarġu, is-segwitu tal-proġetti u l-monitoraġġ tal-opinjoni pubblika.

41.

jappella biex tingħata attenzjoni partikolari biex il-pubbliku jiġi infurmat dwar il-vantaġġi tal-iżvilupp ta’ infrastrutturi u netwerks intelliġenti għall-konsumaturi u ċ-ċittadini, rigward is-sigurtà tal-provvista, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta’ serra u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Madankollu, din l-informazzjoni għandha tidher bilanċjata, mingħajr ħabi tal-inkonvenjenzi li ser jiffaċċjaw iċ-ċittadini. Hija biss l-informazzjoni kompluta u trasparenti li tippermettilhom jifhmu l-isfidi u li jaċċettaw aħjar l-effetti negattivi. Din l-informazzjoni għandha wkoll tiġi adattata għal kull sitwazzjoni speċifika, u tagħti informazzjoni preċiża u rilevanti.

42.

jitlob li jinħolqu sistemi effettivi, aċċessibbli u li jikkumpensaw liċ-ċittadini li b’mod partikolari ser jintlaqtu b’mod negattiv bit-twettiq tal-proġetti. Dan il-kumpens għandu jkun biżżejjed biex iħalli lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu tajjeb għal dan l-impatt u li jiżguraw jekk mhux il-qbil, tal-inqas l-aċċettazzjoni mill-opinjoni pubblika.

43.

jappoġġja l-idea li jinħolqu vantaġġi u inċentivi għar-reġjuni li jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni rapida tal-proġetti ta’ interess Ewropew, bil-kundizzjoni li dawn ma jkunux imħeġġa jevitaw ir-regoli ta’ prekawzjoni meħtieġa, bħall-valutazzjoni tal-impatt u l-konsultazzjoni maċ-ċittadini. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob ukoll li l-għoti tal-inċentivi jkun jista’ jiġi estiż għall-awtoritajiet lokali.

44.

jaqbel mal-Kummissjoni li tkun ħaġa ferm interessanti li din is-sistema ta’ inċentivi tiġi estiża għal kull proġett li jitnieda fil-livell lokali u reġjonali fir-rigward tal-produzzjoni, iżda anke tat-trasport u d-distribuzzjoni tal-enerġija rinnovabbli.

45.

jixtieq jiġi involut fil-ħolqien ta’ strument ta’ appoġġ għall-proġetti destinat li jakkompanja lir-reġjoni u l-awtoritajiet nazzjonali fl-attivitajiet tagħhom tal-ippjanar tal-infrastruttura u l-iżvilupp tal-proġetti. F’dan il-kuntest, ser ikun kruċjali li titqies valutazzjoni ta’ impatt ambjentali, iżda anke soċjoekonomika tal-proġetti fil-livell tar-reġjuni u l-lokalitajiet.

46.

jinsab imħasseb li fil-pakkett globali ta’ EUR 200 biljun ta’ investiment stmati mill-Kummissjoni Ewropea, hemm defiċit ta’ iktar minn 60 biljun.

47.

jilqa’ b’mod partikolarment favorevoli l-mobilizzazzjoni tas-sorsi ta’ investiment privati bl-adozzjoni ta’ regolament li jippermetti s-soluzzjoni tal-kwistjoni tat-tqassim tal-ispejjeż tal-proġetti l-kbar li huma teknoloġikament kumplessi jew ta’ natura transkonfinali. Bosta proġetti makroreġjonali li bħalissa jinsabu fir-riskju minħabba d-defiċit tal-finanzjament jistgħu jibbenefikaw direttament minn dawn ir-regolamenti leġislattivi ġodda.

48.

iħeġġeġ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jiġi ottimizzat l-effett ta’ lieva tas-sorsi pubbliċi u privati biex jitnaqqas ir-riskju għall-investituri. Barra minn hekk, l-ottimizzazzjoni tal-benefiċċji, is-sigurtà tal-investimenti u l-impatt pożittiv fuq is-soċjetà ser iwasslu biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinvestu fil-proġetti li jidhrilhom li huma l-iktar adegwati.

49.

jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ informazzjoni preċiża u konkreta għall-baġits u l-oqfsa finanzjarji li jistgħu jiġu allokati għal dan l-effett ta’ lieva. Il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob li l-mekkaniżmi finanzjarji li ser jiġu analizzati jissodisfaw kriterji ta’ flessibbiltà, adattament għad-diversi tipi ta’ riskju eżistenti, u l-kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet finanzjarji speċifiċi ta’ kull proġett.

50.

jistieden b’mod partikolari lill-Kummissjoni biex tippromovi l-modalitajiet ta’ parteċipazzjoni finanzjarja tad-diversi atturi, fosthom tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-iżvilupp tal-infrastrutturi tal-enerġija. L-ewwel nett dan ikollu effett li jixpruna t-tnedija u l-evoluzzjoni tal-proġetti kkonċernati. Barra minn hekk, l-aspett tal-benefiċċji finanzjarji ġenerati mill-użu futur tal-infrastrutturi jista’ jkollu effett li jgħaqqad l-opinjoni pubblika favur il-proġett.

51.

jitlob li tingħata prijorità lill-investiment f’kull proġett li jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet 20-20-20, bħal dawk tal-iżvilupp tan-netwerks intelliġenti, l-inklużjoni tal-enerġiji rinnovabbli fis-supergrid Ewropea, l-inkorporazzjoni tar-reġjuni u l-lokalitajiet periferali fis-supergrid u l-interkonnessjonijiet.

52.

jenfasizza r-rwol kruċjali tan-netwerks intelliġenti fir-responsabilizzazzjoni individwali tal-konsum tal-enerġija. In-netwerks intelliġenti, il-meters intelliġenti għall-kejl tal-elettriku kif ukoll l-għodod tal-użu ad hoc li jkunu jistgħu jipprovdu mhux biss l-enerġija iżda anke l-informazzjoni dwar il-livell u t-tip ta’ konsum jistgħu jikkonkretizzaw potenzjal fl-ekonomiji tal-enerġija. Dawn in-netwerks b’hekk ikunu jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u t-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Għal din ir-raġuni l-iżvilupp u l-introduzzjoni tat-teknoloġiji ta’ dan it-tip għandhom jiġu promossi. Huwa jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bl-appoġġ tal-pjani nazzjonali u tal-programmi Ewropej, jiżviluppaw proġetti pilota għat-twettiq qabel l-2020 marbutin man-netwerks intelliġenti, b’attenzjoni speċjali għall-proġetti bejn reġjuni fil-fruntieri.

53.

jitlob li l-prijoritajiet li jingħataw fir-rigward tal-finanzjament u l-appoġġ għall-proġetti ta’ modernizzazzjoni tal-infrastrutturi tal-enerġija jitfasslu skont dawn il-kriterji: l-iżvilupp tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija ta’ oriġini lokali u rinnovabbli, it-twettiq tas-suq uniku għall-elettriku u l-gass naturali, l-appoġġ lill-konsumaturi b’għajnuna biex ikunu jistgħu jipparteċipaw aħjar fis-suq mhux biss permezz ta’ effiċjenza akbar fil-konsum tagħhom iżda billi jkunu jistgħu jiżviluppaw bħala produtturi lokali, jiġifieri individwali, u li jerġgħu ibiegħu l-produzzjoni żejda li jista’ jkollhom. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet 20-20-20, huwa importanti wkoll li tittejjeb l-effiċjenza billi jiġu sostitwiti u mmodernizzati n-netwerks eżistenti, bil-għan li jitnaqqas it-telf marbut mal-konverżjoni u t-trasport.

54.

jitlob li jsir sforz biex jiġu żviluppati sistemi ta’ awtokonsum abbażi ta’ sorsi rinnovabbli u ta’ koġenerazzjoni bi prestazzjoni għolja, billi netwerks tal-enerġija jitfasslu bil-għan li jiġu prijoritizzati dawn it-tipi ta’ impjanti.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/54


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Programm tal-UE LIFE – Prospetti Futuri”

2011/C 259/10

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jikkonferma li l-Programm LIFE diġà wera kemm-il darba s-siwi tiegħu u għalhekk għandu jiġi estiż għall-perjodu finanzjarju li jmiss, b’attenzjoni partikulari għal-linja “Bijodiversità”;

jitlob li jiġu semplifikati l-modalitajiet amministrattivi, li tiżdied ir-rata massima ta’ kofinanzjament, li l-ispejjeż għat-tħejjija b’suċċess tal-proġett għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Programm LIFE, u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jerġgħu jingħataw il-possibbiltà li jgħoddu l-ispejjeż kollha tal-persunal tagħhom bħala riżorsi proprji;

isejjaħ biex il-linja futura LIFE Bijodiversità tkun tkopri kunċett usa’ tal-bijodiversità. Sabiex jaqdi rwol sinjifikanti fil-finanzjament tan-Natura 2000, LIFE għandu jiffinanzja wkoll attivitajiet rikorrenti ta’ ġestjoni tas-siti;

jipproponi li l-linja futura LIFE Ambjent tkompli tkun inċentiv deċiżiv għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippromovu sa mill-fażi inizjali l-konformità tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE li dieħla fis-seħħ, kif ukoll biex imorru lil hinn mir-rekwiżiti leġislattivi u japplikaw teknoloġiji innovattivi u soluzzjonijiet ambjentali. Il-proġetti jrid ikollhom potenzjal għoli li jiġu riprodotti għall-ekoinnovazzjoni orjentata lejn is-settur pubbliku;

jappoġġja, bil-għan li tiżdied l-effikaċja tal-Programm LIFE, il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jiġu introdotti “Proġetti LIFE Integrati” ta’ skala kbira, li jipprovdu mod effettiv biex jintuża kemm jista’ jkun il-valur katalittiku tal-Programm LIFE billi jistabbilixxu relazzjoni strutturata mal-fondi l-oħra tal-UE;

jenfasizza li l-Programm LIFE il-ġdid ikompli jappoġġja lill-proġetti ta’ komunikazzjoni u informazzjoni, b’aktar enfasi fuq l-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-proġetti li jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u għandhom impatt sinifikanti fil-livell tal-UE.

Relatur

Is-Sinjura Daiva MATONIENĖ (LT/AE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Šiauliai

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Reviżjoni ta’ nofs it-terminu tar-Regolament LIFE+ COM(2010) 516 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.   Kummenti ġenerali

1.

jemmen li l-protezzjoni tal-ambjent u l-konservazzjoni tal-bijodiversità huma kundizzjoni essenzjali għall-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa u għalhekk m’għandhomx ikunu biss ir-responsabbiltà tal-gvernijiet nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (minn issa ’l quddiem ALR) jew tal-istituzzjonijiet tal-UE, iżda għandhom ikunu wkoll preokkupazzjoni ta’ kull Ewropew;

2.

jenfasizza li wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea huwa li tippromovi tkabbir sostenibbli u mhux inflazzjonarju filwaqt li tikkunsidra l-miri ambjentali, u li t-telf tal-bijodiversità jista’ jkollu influwenza negattiva fuq dan it-tkabbir; madankollu, l-UE stess qed tikseb responsabbiltajiet dejjem akbar fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent u dan huwa rifless fl-Artikolu 192 tat-TFUE, li jistabbilixxi l-kompetenza tal-UE fil-qasam tal-ambjent;

3.

jirrikonoxxi li l-Programm LIFE, li ġie introdott mir-Regolament (KEE) Nru 1973/92 u mbagħad aġġornat, bħala l-istrument finanzjarju ambjentali speċifiku tal-UE s’issa pprovda EUR 2,2 biljun lil 3 115-il proġett ambjentali (1), u għalhekk jikkostitwixxi strument importanti biex jgħin fl-iffinanzjar tal-politiki u proġetti ambjentali lokali u reġjonali b’valur miżjud Ewropew (2);

4.

iwissi li, fi kwalunkwe rikonoxximent u valorizzazzjoni tal-Programm LIFE, il-possibbiltajiet ta’ dan il-programm m’għandhomx jiġu stmati ikbar milli huma. Is-somma annwali ta’ madwar EUR 340 miljun disponibbli għall-Programm LIFE tista’ tappoġġja lista sħiħa ta’ proġetti, ħafna minnhom b’potenzjal kbir li jkunu eżempji tajba u li kapaċi jqanqlu approċċi pożittivi fil-qasam tal-politika ambjentali. Madanakollu, din is-somma li tirrappreżenta madwar 0,2 % tal-baġit annwali tal-UE mhix biżżejjed biex tinstab soluzzjoni għall-problemi kollha li ġejjin mill-fatt li hemm nuqqas ta’ finanzjament għal programmi ambjentali oħra jew fondi oħra tal-UE;

5.

jirrikonoxxi li l-Programm LIFE+ ikkontribwixxa ħafna biex jiġu adottati u implimentati l-pjani għall-ġestjoni tal-ambjent, biex jerġgħu jinħolqu l-ħabitats ta’ valur, biex jirkupraw il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet importanti u biex jiġi żviluppat in-netwerk Natura 2000. LIFE+ ikkontribwixxa wkoll biex jinħolqu sħubijiet u b’hekk jissaħħu l-istrutturi tal-kooperazzjoni u jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-esperjenza u tal-informazzjoni bejn il-partijiet interessati u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi;

6.

jappella biex jiġu żviluppati sħubijiet lokali li jinsabu fl-aħjar post biex jikkombinaw ir-riżorsi ta’ LIFE ma’ sorsi oħra ta’ fondi lokali u mill-UE;

7.

jenfasizza li l-isfidi ġodda fil-qasam tal-ambjent, il-bijodiversità li dejjem qed tonqos u l-iżvilupp tal-UE qed jippreżentaw sfidi ġodda għall-ħarsien tal-ambjent fl-Ewropa, li għalihom trid tinsab soluzzjoni effettiva malajr kemm jista’ jkun li tiġi implimentata fil-kuntest tal-perspettiva finanzjarja ġdida;

8.

jemmen li l-ARL Ewropej għandhom rwol indispensabbli x’jaqdu fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE u biex jinsensibilizzaw aktar lill-pubbliku dwar l-innovazzjonijiet ekoloġiċi u l-aħjar prattiċi;

9.

jirrakkomanda li l-konservazzjoni tal-bijodiversità għandha tingħata l-ogħla prijorità f’kull qasam tal-politika tal-UE dwar l-ambjent. Peress li l-protezzjoni tal-bijodiversità hija tema trasversali, għandu jiġi żgurat ukoll li din tiġi kkunsidrata fl-oqsma ċentrali kollha ta’ politika;

10.

iħeġġeġ biex il-politika tal-UE dwar l-ambjent tindirizza l-isfidi l-ġodda marbuta mal-iżvilupp rapidu tal-organiżmi ġenetikament modifikati u l-effett tagħhom, li għadu ma ġiex studjat fil-fond, fuq l-ispeċijiet lokali;

11.

jinnota li taħt ċerti kundizzjonijiet jista’ jkun hemm kunflitt bejn l-objettivi tal-politika dwar il-bijodiversità u dawk ta’ elementi oħra tal-iżvilupp sostenibbli. Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn il-kunflitti possibbli fir-rigward tal-objettivi, huwa importanti ħafna li tiġi assigurata koordinazzjoni aktar flessibbli bejn objettivi ambjentali differenti tal-iżvilupp sostenibbli u li tiġi ggarantita l-konsistenza tal-miżuri kollha meħuda sabiex ir-regoli u l-miżuri f’qasam wieħed ma jwasslux għal deterjorament f’qasam ieħor jew inkella għal soluzzjonijiet globali iktar dgħajfa;

12.

jenfasizza li, filwaqt li l-proġetti LIFE għandhom b’mod ċar objettiv ambjentali, kollha għandhom il-potenzjal li jagħtu benefiċċji soċjoekonomiċi lill-komunitajiet lokali, inklużi servizzi tal-ekosistemi tal-proġetti LIFE Natura u Bijodiversità. Il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon id-deskrizzjoni ta’ dan it-tip ta’ benefiċċji potenzjali fil-formoli ta’ applikazzjoni għall-proġetti LIFE, kif diġà bdew jintużaw din is-sena. Dan għandu jwassal għal rapport mill-Kummissjoni Ewropea dwar sett komprensiv ta’ indikaturi tar-riżultati soċjoekonomiċi għall-Programm LIFE kollu;

13.

jemmen li l-linja “Natura u Bijodiversità” tal-Programm LIFE+ ikkontribwixxiet b’mod essenzjali għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar u tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, u għall-inqas uħud mill-objettivi stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar “It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità sa l-2010” intlaħqu. Madankollu, LIFE+ ikopri biss parti mill-miżuri previsti fid-Direttiva dwar l-Għasafar u fid-Direttiva dwar il-Ħabitats, u t-telf tal-bijodiversità għadu qasam li għandu jingħata attenzjoni partikulari;

14.

jitlob li, għal din ir-raġuni, il-Programm LIFE+ għandu jibqa’ parti essenzjali tal-politika tal-UE dwar l-ambjent, fejn il-linja “Bijodiversità” għandha tingħata attenzjoni partikulari, u għandhom isiru l-isforzi kollha possibbli biex jinkisbu l-għanijiet li jwaqqfu t-telf tal-bijodiversità stabbiliti għall-perjodu sal-2020;

15.

jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi, li huma l-ikbar kontributuri netti għall-bijodiversità fl-UE kollha, b’iktar minn 200 sit ta’ importanza Komunitarja fin-netwerk Natura 2000: dawn ir-reġjuni huma kruċjali għall-objettiv li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità;

16.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi “Oqfsa ta’ Azzjoni Prijorizzata tan-Natura 2000” biex jiġi ffinanzjat in-netwerk Natura 2000, bħall-pjanijiet makromaniġerjali fil-livell reġjonali jew nazzjonali, waqt li jiġi pprovdut qafas ċar u vinkolanti għall-fondi tal-UE u l-kontributi nazzjonali l-oħra biex tiġi ffinanzjata l-konservazzjoni tas-siti tan-Natura 2000 u speċi prijoritarji f’territorju definit (3).

B.   Rakkomandazzjonijiet għar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tar-Regolament LIFE+

17.

jenfasizza li l-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti ħolqot ukoll sfidi multipli għall-pjani tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jipprovdu kofinanzjament lil diversi inizjattivi, inklużi dawk li jikkonservaw il-bijodiversità. F’dan ir-rigward, il-KtR jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkondividu u jimplimentaw l-aħjar prattiki fil-qasam, pereżempju l-mudell Pollakk ta’ prattika tajba, fejn il-gvern nazzjonali ħoloq fond nazzjonali li jiggarantixxi finanzjament ugwali għal applikazzjonijiet li jirnexxu tal-proġett LIFE (4);

18.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-introduzzjoni ta’ allokazzjonijiet nazzjonali indikattivi f’LIFE+, speċjalment jekk din il-miżura tintuża b’mod temporanju bil-għan li jiżdied in-numru ta’ applikazzjonijiet approvati mill-Istati Membri l-ġodda tal-UE. Fl-istess ħin, jesprimi l-bżonn li tiġi indikata b’mod ċar in-natura temporanja ta’ din il-miżura u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tkompli bl-impenji tagħha biex tipprovdi appoġġ ta’ taħriġ lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u lill-Istati Membri li rreġistraw użu aktar baxx kif ukoll titlob lil dawn l-Istati Membri biex iżidu l-kapaċità tal-Punti tagħhom ta’ Kuntatt Nazzjonali u Reġjonali biex b’mod attiv jappoġġjaw lill-applikanti tagħhom;

19.

jenfasizza l-bżonn li tiġi garantita biżżejjed attenzjoni lill-interessi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li ser jintlaqtu minn dan ir-Regolament kif ukoll li tinżamm biżżejjed flessibbiltà fil-prijoritizzazzjoni tal-Oqfsa ta’ Azzjoni Prijorizzata. Barra minn hekk, għandu jkun hemm l-opportunità li l-awtoritajiet reġjonali jkunu responsabbli mill-programmi tal-Oqfsa ta’ Azzjoni Prijorizzata u għalhekk isiru benefiċjarji ta’ din il-miżura l-ġdida;

20.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli ttejjeb il-kontribut tal-linja “Politika Ambjentali u Governanza” ta’ LIFE+ destinata biex tiffinanzja l-proġetti li jippromovu l-konformità u li jidentifikaw, fil-bidu nett tal-proċess leġislattiv, ir-riżorsi meħtieġa biex jiġu implimentati l-leġislazzjoni ġdida tal-UE, il-proġetti pilota tal-appalti ekoloġiċi li jittestjaw il-fattibilità tal-programmi tal-appalti ekoloġiċi fuq skala kbira fil-bliet u r-reġjuni, kif ukoll il-proġetti demostrattivi għall-effiċjenza tar-riżorsi, it-tkabbir ekoloġiku u l-produzzjoni sostenibbli;

21.

jenfasizza li għandhom jinħolqu possibbiltajiet oħra biex jiġu ffinanzjati l-inizjattivi tal-NGOs fil-qasam tal-ambjent, u b’hekk tiġi garantita l-parteċipazzjoni effettiva tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE, tiżdied is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-ħarsien tal-ambjent permezz tal-parteċipazzjoni msaħħħa fit-twaqqif ta’ miri ġodda, u jinġabru l-aħjar prattiki u l-għarfien speċjalizzat;

22.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s’issa, parti kbira mill-inizjattivi appoġġjati mil-linja “Natura” kienu ffokati b’mod esklużiv fuq speċijiet mhedda li jsiru estinti, li dwarhom il-mezzi tax-xandir tkellmu ħafna – pereżempju l-ors il-kannella (Ursus arctos), ir-rospu ta’ żaqqu ħamra (Bombina bombina) u l-farfett Euphydryas aurinia. Mill-banda l-oħra, ma ngħatat l-ebda attenzjoni lill-ħafna speċijiet oħra li wkoll huma mhedda li jsiru estinti. Fit-titjib tal-Programm LIFE+ għandu jitħeġġeġ ukoll l-użu tiegħu biex jitħarsu speċijiet oħra li huma inqas viżibbli;

23.

ifakkar li r-rekwiżiti attwali jeħtieġu li l-proġetti tal-linja “Natura” ikunu eżemplari u/jew innovattivi. Madankollu, il-ħarsien tal-bijodiversità ħafna drabi ma jeħtieġx l-innovazzjoni, iżda li titkompla l-ħidma li tkun diġà nbdiet, kif ukoll li tinġabar u tixxerred l-esperjenza tajba li tkun ġiet akkumulata. Għaldaqstant, għall-proġetti ta’ din il-linja huwa importanti immens li tiġi prevista l-possibbiltà li tingħata inqas importanza lin-natura eżemplari u innovattiva tal-proġetti u aktar attenzjoni għal bżonnijiet partikolari taż-żoni tan-Natura 2000 u l-kwistjonijiet tal-preservazzjoni tal-bijodiversità f’żona ġeografika partikolari. Għandu jkun biżżejjed li l-proġetti jissejsu fuq prattiki eżemplari tajbin li jistgħu jiġu applikati f’reġjuni oħra;

24.

jenfasizza li, fid-dawl tal-isfidi li jiffaċċjaw l-ALR u s-soċjetajiet tal-Istati Membri l-ġodda meta jiġu biex jadattaw għall-kundizzjonijiet tas-sħubija fl-UE, huwa importanti li l-implimentazzjoni tal-Programm LIFE+ u ta’ programmi speċifiċi oħra tiġi appoġġjata b’mod aktar attiv f’dawn il-pajjiżi;

25.

jenfasizza li sabiex jinkisbu s-sinerġiji massimi, qabel jintemm il-perjodu ta’ finanzjament attwali tal-UE għandhom isiru sforzi biex il-Programm LIFE+ ikun ikkoordinat kemm jista’ jkun mal-programmi l-oħra tal-UE li huma marbuta direttament jew indirettament mal-ħarsien tal-ambjent, bħal pereżempju s-7 Programm Kwadru għar-Riċerka, il-Programm ta’ Qafas għall-Kompettività u l-Innovazzjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni;

26.

jinnota l-benefiċċji li tiġi promossa l-parteċipazzjoni tas-settur privat fl-inizjattivi għall-ħarsien tal-bijodiversità u li tissaħħaħ l-idea li l-miri tal-Programm LIFE+ jippromovu l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u soċjalment responsabbli;

27.

jinnota l-benefiċċji li jinħolqu jekk il-qasam akkademiku jiġi involut aktar fl-attivitajiet LIFE+, u jħeġġu jikkollabora mal-benefiċjarji ewlenin tal-Programm; permezz tar-riżultati xjentifiċi l-aktar reċenti u approċċ ġdid għall-isfidi komuni li joffru 'x-xjentisti;

C.   Il-Programm LIFE+ fil-perjodu finanzjarju l-ġdid

28.

jenfasizza l-importanza li fil-perjodu finanzjarju l-ġdid ikun hemm fondi adegwati għall-inizjattivi ambjentali fl-Ewropa bil-għan li titħares il-bijodiversità waqt li ċ-ċittadini Ewropej ikollhom ambjent ta’ kwalità għolja, u biex in-nies madwar id-dinja kollha jsiru aktar konxji tal-ambjent;

29.

ifakkar li l-prattika turi li l-isfidi ambjentali huma ħafna u li r-riżorsi biex jiġu indirizzati huma skarsi. Għal din ir-raġuni, il-miżuri maħsuba għall-ħarsien tal-ambjent u tal-bijodiversità għandhom ikunu partikularment effiċjenti. Waħda mill-kundizzjonijiet essenzjali għal Ewropa effiċjenti, li skont il-motto tagħha hi “magħquda fid-diversità”, hija l-użu flessibbli tar-riżorsi, sabiex il-partijiet interessati f’diversi pajjiżi u reġjuni Ewropej ikunu jistgħu jiksbu l-akbar valur miżjud possibbli mill-finanzjamenti tal-UE fid-dawl tal-kundizzjonijiet lokali;

30.

jassigura li l-ALR għandhom, u ser jibqa’ jkollhom, rwol essenzjali biex jiżguraw li l-Ewropej jistgħu jgħixu f’ambjent ta’ kwalità għolja għani fil-bijodiversità. Għalhekk, għandu jiġi żgurat l-ewwel u qabel kollox li anke l-ALR jistgħu jużaw id-diversi strumenti għall-ħarsien tal-ambjent u jieħdu sehem kemm jista’ jkun fit-tfassil u t-titjib tagħhom;

31.

jikkonferma li l-Programm LIFE, li ġie introdott fl-1992, diġà wera kemm-il darba s-siwi tiegħu. Għaldaqstant, għandu jiġi estiż għall-perjodu finanzjarju li jmiss filwaqt li jintużaw bl-aħjar mod l-esperjenzi pożittivi u negattivi li nksibu fil-perjodu finanzjarju attwali;

Prijoritajiet fl-iżvilupp ta’ Programm LIFE ġdid

32.

jieħu nota tar-riżultati tal-konsultazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-impatt dwar il-futur tal-Programm LIFE (5), li tindika li l-awtoritajiet lokali u reġjonali identifikaw is-sensibilizzazzjoni dwar il-problemi ambjentali u l-ħtieġa għal soluzzjonijiet fost l-atturi differenti, kif ukoll il-promozzjoni tal-innovazzjoni fit-tekniki li jippermettu ġestjoni mtejba tal-ambjent speċjalment mill-awtoritajiet responsabbli bħala l-aktar żewġ modi effettivi għat-titjib tal-politika ambjentali fil-livell lokali u l-implimentazzjoni tagħha; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa’ ssaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tqajjem kuxjenza fost iċ-ċittadini, fid-dawl tal-fatt li dawn iż-żewġ aspetti huma l-prijoritajiet prinċipali fi kwalunkwe riforma tal-Programm LIFE;

33.

jinsab konvint li l-Programm LIFE għandu jibqa’ l-istrument finanzjarju prinċipali għall-ħarsien tan-natura kif ukoll tal-bijodiversità, anke matul il-perjodu ġdid ta’ programmar, ikkaratterizzat mill-kost-effettività u mill-kwalità għolja tal-proġetti u l-programmi. Għalhekk, kwalunke żvilupp tal-Programm għandu jiffoka fuq is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi u ta’ applikazzjoni kif ukoll fuq il-ftuħ tiegħu għal firxa wiesgħa ta’ applikanti eliġibbli;

34.

sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jużaw il-Programm LIFE aħjar, iħeġġeġ biex, fil-perjodu ta’ finanzjament ġdid LIFE+, kemm huma kif ukoll organizzazzjonijiet pubbliċi oħra jerġgħu jingħataw il-possibbiltà li jgħoddu l-ispejjeż kollha tal-persunal tagħhom bħala riżorsi proprji;

35.

jenfasizza li l-ksib sħiħ tal-miri tal-Programm LIFE possibbilment twaqqaf ukoll minħabba l-proċeduri amministrattivi mkarkra u minħabba r-rata baxxa ta’ kofinanzjament (normalment 50 % b’eċċezzjonijiet possibbli għal LIFE+ Natura). Għalhekk, il-Programm għandu janalizza l-modi kif il-modalitajiet amministrattivi (applikazzjoni, implimentazzjoni, eliġibbiltà ta’ proġetti iżgħar) jiġu semplifikati u kif tiżdied ir-rata massima ta’ kofinanzjament;

36.

jinnota d-differenzi li fadal bejn l-Istati l-Membri l-ġodda fil-livelli ta’ informazzjoni u kapaċitajiet finanzjarji u għalhekk, sabiex tiġi garantita d-disponibbiltà tal-Programm, jirrakkomanda li jiġu żviluppati mekkaniżmi rispettivi speċjali bil-għan li jappoġġjaw lill-applikanti u l-benefiċjarji mill-aktar Stati Membri ġodda. Din l-għajnuna għandha tkun destinata lejn l-aspetti amministrattivi u l-iżvilupp ta’ proposti ta’ proġetti u tista’ tkun organizzata billi tissaħħaħ is-sistema tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jew billi jitwaqqfu punti ta’ kuntatt reġjonali fejn dawn għadhom ma jeżistux;

37.

jipproponi li l-proċeduri ta’ applikazzjoni għandhom iqisu t-tema tas-sostenibbiltà u jisfruttaw l-istrumenti tal-IT disponibbli. B’mod partikulari għandhom jiġu żviluppati l-proċeduri onlajn għall-applikazzjoni tal-proġetti, il-valutazzjoni, il-komunikazzjoni bejn il-korp tal-ġestjoni u l-applikanti, inkluża sistema onlajn għar-reġistrazzjoni tal-applikanti u għall-provvediment tad-data;

38.

jappella biex tingħata aktar attenzjoni lill-proċess tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-proġetti, li attwalment tieħu madwar sena u nofs mis-sejħa għall-proposti sa ma jibda proġett. F’dan ir-rigward, jistgħu jintużaw l-aħjar eżempji ta’ ġestjoni mis-segretarjati tekniċi konġunti tal-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali bl-aħjar prestazzjoni;

39.

jindika li filwaqt li jiġu ffaċilitati l-proċeduri ta’ applikazzjoni u jiġu segwiti l-prattiki tal-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali, l-ispejjeż għat-tħejjija tal-proġett għandhom ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-Programm LIFE jew ikkompensati permezz ta’ somma waħda (pereżempju skont il-baġit totali tal-proġett) f’każ li l-proġett jiġi approvat;

40.

jinnota li l-proċeduri ta’ implimentazzjoni tal-Programm LIFE il-ġdid għandhom jiġu semplifikati kemm jista’ jkun sabiex jiġi żgurat li l-proġetti ffinanzjati mill-Programm jistgħu jiffokaw prinċipalment fuq attivitajiet destinati għall-ħarsien tal-ambjent u l-informazzjoni u mhux fuq it-tħejjija tal-kontijiet;

41.

ifakkar li r-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-inizjattivi għall-ħarsien tal-ambjent u tal-bijodiversità xejn mhu ser ikun inqas importanti. Għalhekk, il-Programm LIFE il-ġdid għandu jinkludi komponent qawwi mmirat lejn l-organizzazzjonijiet nongovernattivi u lejn l-informazzjoni lill-pubbliku. Fl-istess ħin, huwa importanti li jiġi garantit li anke l-NGOs lokali ż-żgħar u x-xjentisti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-Programm;

42.

jenfasizza l-importanza li kwalunke tibdil fil-Programm LIFE+ għandu jqis ukoll il-kontradizzjoni kbira bejn il-miżuri għall-ħarsien tal-bijodiversità fuq naħa u r-riżultati tanġibbli fuq in-naħa l-oħra: ħafna drabi l-proġetti jkunu għal perjodu qasir filwaqt li r-riżultati jibdew jidhru biss fit-tul. Għalhekk għandhom jintużaw metodi adegwati ta’ valutazzjoni;

43.

jappella sabiex LIFE+ ikun definit skont miri aktar identifikabbli u li jistgħu jinkisbu. Dan jeħtieġ aktar enfasi fuq ir-riżultati milli li s-suċċess jiġi evalwat fuq il-bażi tar-regolarità tal-infiq;

44.

jipproponi li peress li l-Programm huwa orjentat lejn miri fit-tul, l-applikanti għandhom jitħeġġu jimplimentaw u/jew jiffinanzjaw l-attivitajiet li huma neċessarji għas-segwitu effettiv ladarba l-proġett jintemm; dan jinkludi l-monitoraġġ tal-effetti fit-tul tal-proġett. Inkoraġġiment bħal dan jista’ jiġi introdott bħala punti addizzjonali tal-valutazzjoni għal dawk l-applikanti li jinkludu s-sistema tas-segwitu fl-applikazzjoni tagħhom u jimpenjaw ruħhom li jappoġġjawha bir-riżorsi tagħhom;

45.

jindika li l-Programm LIFE+ il-ġdid għandu jinkludi wkoll identifikazzjoni ta’ proġetti li jkunu konformi mal-miri tal-istrateġiji reġjonali, bħall-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku;

46.

abbażi ta’ esperjenza prattika, huwa konvint li l-finanzjament tal-proġett (sussidji ta’ azzjoni) huwa l-iżjed mekkaniżmu effettiv u għandu jibqa’ l-istrument prinċipali ta’ appoġġ tal-Programm LIFE li jassisti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-attivitajiet u investimenti ambjentali tagħhom. L-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi għandu jitqies ukoll b’mod partikolari fil-parti ambjentali tal-Programm LIFE, iżda dawn l-istrumenti għandhom jintużaw biss biex jikkumplementaw u mhux biex jieħdu post il-finanzjament dirett tal-proġett.

Ġestjoni tal-Programm

47.

iqis li l-ġestjoni ċentralizzata attwali tal-Programm LIFE, ikkaratterizzata minn proporzjon relattivament baxx ta’ fondi tal-Programm attribwiti għall-amministrazzjoni, uriet li hija effiċjenti. Għalhekk il-KtR, filwaqt li jirrepeti l-oppożizzjoni tiegħu diġà espressa fil-passat għar-“rinazzjonalizzazzjoni” tal-istrument (6), jirrakkomanda li anke l-Programm LIFE futur ikollu sistema ta’ ġestjoni ċentralizzata mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea;

48.

jindika li minħabba li matul l-implimentazzjoni tal-proġett jista’ jkun diffiċli ħafna li jinkisbu riżultati speċifiċi relatati mal-ekosistema, fil-perjodu finanzjarju l-ġdid tal-UE, il-valutazzjoni tal-proġetti tal-Programm LIFE+ għandha titwettaq waqt li jitqies dan l-aspett. Madankollu, l-attenzjoni m’għandhiex tingħata lir-riżultati li jinkisbu matul il-perjodu li għalih isir ir-rapport, iżda lill-miżuri previsti mill-proġetti, l-ambitu tagħhom u l-effetti li l-proġetti jista’ jkollhom fit-tul;

49.

isejjaħ biex il-Programm LIFE+ il-ġdid ikun flessibbli biżżejjed u jkun ikkoordinat ma’ strumenti ta’ appoġġ oħra li minkejja li mhumiex marbuta b’mod dirett mal-ħarsien tal-ambjent, xorta waħda jkun fihom komponent ambjentali;

50.

jemmen li hemm bżonn tiġi promossa strateġija komuni u koerenti li tinkorpora kemm il-konservazzjoni tan-natura kif ukoll l-iżvilupp rurali, speċjalment f’dawk ir-reġjuni tan-netwerk Natura 2000 fejn il-biedja u t-tkabbir tal-annimali għandhom rwol sinifikanti, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva mal-istrumenti futuri tal-PAK li, milli jidher, ser tinkludi l-għan tal-kompetittività mil-lat ambjentali;

51.

jilqa’ l-idea li l-awtoritajiet reġjonali jkunu responsabbli mill-Oqfsa ta’ Azzjoni Prijorizzata tan-Natura 2000 u jenfasizza wkoll il-bżonn li jkun hemm biżżejjed flessibbiltà għal tibdil finali fil-prijoritajiet ta’ dawn l-Oqfsa;

Struttura tal-Programm LIFE il-ġdid

52.

jappoġġja lill-Kunsill, li enfasizza “l-ħtieġa tal-komponenti kollha tiegħu”, u l-importanza li l-Programm LIFE jiġi rifless fil-qafas finanzjarju futur tal-UE, “b’kont meħud tas-sinerġiji ma’ strumenti finanzjarji oħra tal-UE li jikkontribbwixxu għall-kisba tal-objettivi ambjentali tal-UE” (7);

53.

jappella sabiex LIFE ikun mill-inqas marbut formalment mal-Qafas Strateġiku Komuni l-ġdid;

54.

jissuġġerixxi li l-Programm LIFE futur iżomm struttura simili għal dik attwali, magħmula minn tliet linji: LIFE Bijodiversità (inkluż il-kapitolu attwali LIFE+ Natura u Bijodiversità), LIFE Ambjent, u LIFE Governanza (inkluż il-kapitolu attwali LIFE+ Informazzjoni u Komunikazzjoni);

LIFE Bijodiversità

55.

isejjaħ biex il-kapitolu futur LIFE Bijodiversità ma jkunx limitat biss għal Natura 2000, iżda jkun ikopri kunċett usa’ tal-bijodiversità li issa sar ikopri aspetti bħas-servizzi tal-ekosistema, l-infrastrutturi ekoloġiċi, l-ispeċi esotiċi invażivi, eċċ. Għalkemm ħafna minn dawn l-aspetti jistgħu jiġu indirizzati fl-ambitu tan-Natura 2000, li għandha tibqa’ l-kunċett prinċipali, hemm aspetti li mhumiex koperti jew li huma koperti biss parzjalment, u dan jindika l-bżonn li jintuża kunċett usa’ tal-bijodiversità;

56.

jindika li sabiex jaqdi rwol sinifikanti fil-finanzjament tan-Natura 2000, LIFE għandu jiffinanzja wkoll attivitajiet rikorrenti ta’ ġestjoni tas-siti, u ma jkunx limitat għall-aħjar prattika jew għal proġetti innovattivi kif indikat fl-Artikolu 3 tar-Regolament LIFE+; madanakollu, sabiex jinżamm livell għoli ta’ kwalità tal-proġetti u tal-attivitajiet li jirċievu appoġġ, il-Programm LIFE għandu jinkludi standards minimi għall-proġetti proposti, għall-monitoraġġ tagħhom u sabiex dak li jirriżulta minnhom jiġi komunikat lill-pubbliku;

LIFE Ambjent

57.

jipproponi li l-linja “Ambjent” tal-Programm LIFE il-ġdid għandha tkompli tkun inċentiv deċiżiv għall-awtoritajiet lokali u reġjonali li jixtiequ jmorru lil hinn mir-rekwiżiti leġislattivi u japplikaw teknoloġiji innovattivi u soluzzjonijiet ambjentali. Din il-linja tista’ tkopri l-investiment inizjali u b’hekk tiftaħ it-triq għal benefiċċji fit-tul; (8)

58.

ifakkar li peress li l-finanzjament hu limitat, l-appoġġ mill-Programm LIFE jista’ jkompli biss f’numru limitat ta’ ALR, filwaqt li l-isfida li jiġi implimentat l-acquis tikkonċerna l-maġġoranza tal-muniċipalitajiet u reġjuni. Għalhekk, il-proġetti futuri tal-Programm LIFE għandu jkollhom potenzjal għoli li jiġu riprodotti għall-ekoinnovazzjoni (9) orjentata lejn is-settur pubbliku, filwaqt li ż-żieda tal-viżibilità tal-linja LIFE Ambjent għandha tkun ukoll fost il-prijoritajiet;

59.

jenfasizza li l-linja LIFE Ambjent futura m’għandhiex tiffoka biss fuq xi ftit kwistjonijiet tematiċi (10), sabiex b’hekk tkun miftuħa għall-isfidi u l-opportunitajiet uniċi tal-postijiet li tkopri. Il-kriterji tal-għażla għandhom ikunu bbażati fuq taħlita li tirrikonoxxi l-miri strateġiċi tal-Programm u l-prijoritajiet lokali tal-benefiċjarji potenzjali. Sabiex jibqa’ sostenibbli, il-Programm LIFE jista’ jistabbilixxi prijoritajiet biennali, marbuta ma’ dawk tal-UE, għal kull tema;

60.

jistieden li l-linja LIFE Ambjent tappoġġja proġetti dwar il-ġestjoni ambjentali integrata tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex tippromovi sa mill-fażi inizjali l-komformità tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE li dieħla fis-seħħ;

61.

jinnota d-dibattitu kontinwu dwar l-effikaċja li jinżammu żewġ strumenti separati biex tiġi ffinanzjata l-ekoinnovazzjoni (11), li t-tnejn huma ġestiti mid-DĠ Ambjent. Għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tanalizza dan l-aspett fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha dwar il-Programm LIFE futur, waqt li jitqies li ż-żewġ strumenti attwalment iservu għal skopijiet differenti u jilħqu benefiċjarji differenti (12). B’konsegwenza ta’ dan, kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed f’dan id-dibattitu għandha tassigura li l-ALR jibqgħu fost il-benefiċjarji peress li jaqdu rwol indispensabbli biex jgħarrfu lill-pubbliku inġenerali bl-aħjar prattiki, peress li huma f’kuntatt mill-qrib mal-pubbliku u għalhekk jistgħu jissensibilizzawh u jħeġġuh ibiddel imġibtu;

LIFE Governanza

62.

jitlob sabiex il-linja tal-LIFE Governanza futura tkun tinkludi l-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-għarfien dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE permezz tal-appoġġ għall-ħolqien tan-netwerks, it-taħriġ, u l-proġetti li jikkondividu l-aħjar prattika fil-livell Ewropew, bħall-IMPEL jew il-proġett tal-“Bliet Kapitali Ewropej tal-Bijodiversità” tal-Programm LIFE+ (13);

63.

jitlob li jiġi rivedut il-finanzjament tal-NGOs ambjentali fil-linja LIFE Governanza, sabiex jiġi appoġġjat b’mod aktar effettiv ir-rwol tagħhom biex tintlaħaq parteċipazzjoni bbilanċjata tal-partijiet interessati fil-proċess ta’ politika tal-UE. Dan jinkludi l-bidla fl-għotjiet finanzjarji għall-operat, li minn annwali isiru multiannwali, kif ukoll żieda fin-numru ta’ Stati Membri li jkunu koperti mis-sħubija ta’ proġett partikulari, sabiex jiġu integrati n-netwerking neċessarju u l-esperjenza fil-livell lokali;

64.

itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea li “teżamina jekk […] il-kunċett [tal-Patt tas-Sindki] jistax jiġi estiż għal oqsma ewlenin oħra tal-politika ambjentali tal-UE, bħalma huma l-bijodiversità, l-iskart u t-tniġġis tal-ilma, tal-ħsejjes u tal-arja u tal-użu tal-art,” (14) partikularment billi l-Programm LIFE futur jiffinanzja t-twessigħ tal-kunċett tal-Patt tas-Sindki minn bliet effiċjenti mil-lat ta’ enerġija għal bliet ekoloġiċi u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

Programmi fuq skala kbira

65.

jappoġġja, bil-għan li tiżdied l-effikaċja tal-Programm LIFE u jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jiġu introdotti “Proġetti LIFE Integrati” jew “Programmi ta’ Azzjoni LIFE” ta’ skala kbira bħala kategorija ġdida tal-proġetti LIFE. Il-proġetti ta’ dan it-tip jistgħu jintużaw biex jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ problemi, partikolarment fl-oqsma tal-ġestjoni tal-ilma ħelu, il-konservazzjoni tan-natura u l-bijodiversità kif ukoll l-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-ġestjoni tal-iskart (15). Madankollu, għandhom jinżammu l-proġetti indipendenti tradizzjonali LIFE peress li jippermettu lill-NGOs, lill-partijiet interessati u lill-awtoritajiet lokali żgħar isiru benefiċjarji;

66.

iqis li l-proġetti integrati jistgħu jinkludu l-possibbiltà ta’ appoġġ għal tema speċifika jew għal parti kbira tat-territorju ta’ reġjun jew Stat Membru (pereżempju proġetti għar-ristawr tal-artijiet mistagħdra f’baċir ta’ xmara, attivitajiet favur l-ispeċijiet mhedda matul ir-rotta migratorja tagħhom, żvilupp ta’ pjani ta’ ġestjoni tas-siti u l-implimentazzjoni tagħhom, għas-siti kollha tan-Natura 2000 jew siti simili f’reġjun fi ħdan il-Qafas ta’ Azzjoni Prijorizzata tan-Natura 2000);

67.

jipproponi li l-proġetti integrati jinkludu l-qafas u l-gwida għall-iżvilupp ta’ proġetti individwali LIFE u proġetti oħra, inkluż pjan li jispjega kif finanzjament ieħor tal-UE, nazzjonali, reġjonali, lokali u privat huwa kkombinat biex jiġu ffinanzjati l-attivitajiet proposti; dawn il-proġetti jistgħu jkunu ddedikati wkoll għall-ħolqien ta’ gruppi permanenti ta’ ħidma b’membri minn diversi pajjiżi sabiex janalizzaw ir-riżultati fuq perjodu medju u twil tal-esperjenzi simili fil-qafas ta’ proġetti LIFE li diġà ġew implimentati, u b’hekk jinħolqu netwerks permezz ta’ laqgħat, kungressi, pjattaformi virtwali jew forom oħra ta’ komunikazzjoni;

68.

jitlob biex l-awtoritajiet pubbliċi, l-NGOs u l-partijiet interessati li jaħdmu fil-livell reġjonali jew nazzjonali, u s-sħubijiet bejn dawn il-gruppi jkunu eleġibbli bħala benefiċjarji tal-proġetti integrati. Dawn il-proġetti għandhom ikunu itwal (pereżempju 5-10 snin) biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati u implimentati proġetti LIFE individwali li jkunu relatati ma’ xulxin;

69.

jieħu nota tal-valur miżjud ta’ proġetti integrati bħal dawn, b’mod partikulari għar-rwol prinċipali li jagħtu lill-awtoritajiet reġjonali bħala benefiċjarji prinċipali potenzjali, li ta’ spiss ikunu l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-finanzjament tal-Fond għall-Iżvilupp Rurali, il-programmi operattivi għall-Fondi Strutturali u l-Oqfsa futuri ta’ Azzjoni Prijorizzata tan-Natura 2000. Barra minn hekk, dawn it-tipi ta’ proġetti jipprovdu mod effettiv biex jippromovu l-komplementaritajiet, u jieħdu l-massimu mill-valur katalittiku tal-Programm LIFE: huma jistabbilixxu relazzjoni strutturata mal-fondi l-oħra tal-UE u jiżviluppaw linji ta’ proġetti għalihom, b’hekk jippromovu l-mobilizzazzjoni tal-kontributi ħafna akbar biex jintlaħqu l-miri ambjentali. Dan jista’ jgħin ukoll biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ nfiq attwali mill-Fondi Strutturali tal-UE fl-oqsma tal-bijodiversità u l-ambjent, problema li l-KtR indirizza f’opinjonijiet preċedenti (16);

Ambitu territorjali tal-Programm LIFE ġdid

70.

isejjaħ sabiex il-Programm LIFE+ iqis il-fatt li l-isfidi tal-bijodiversità ta’ spiss imorru lil hinn mill-fruntieri esterni tal-UE. Għalhekk għandha tiġi prevista l-possibbiltà li ċerti attivitajiet jsiru fil-pajjiżi ġirien li jmissu direttament mal-pajjiżi tal-UE;

Miżuri ta’ informazzjoni, ta’ tixrid u ta’ promozzjoni

71.

iqis sodisfaċenti r-riżultat tal-valutazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programm LIFE+, li fiha l-awtoritajiet pubbliċi u l-aġenziji tal-iżvilupp kienu l-aktar grupp komuni ta’ benefiċjarji għat-tliet linji tal-Programm LIFE+ (42 % tal-benefiċjarji prinċipali fl-2007 u fl-2008, filwaqt li l-indikaturi jiżdiedu għal 51 % fil-linja “Natura u Bijodiversità”) (17) u jkompli jenfasizza l-bżonn li tiġi promossa l-parteċipazzjoni attiva tal-ALR fil-ħarsien tal-ambjent u l-konservazzjoni tal-bijodiversità;

72.

isejjaħ għal titjib fil-politiki ta’ informazzjoni fil-livell nazzjonali sabiex tiżdied il-kuxjenza fost il-parteċipanti potenzjali tal-opportunitajiet offruti mill-Programm LIFE+. Għal dan il-għan u waqt li jitqiesu l-prinċipju tas-sussidjarjetà u d-differenzi ovvji bejn l-Istati Membri individwali, il-politika ta’ informazzjoni għandha tkun deċentralizzata b’tali mod li tiżviluppa ċentri ta’ informazzjoni nazzjonali u f’ċerti każi jiġu promossi kampanji ta’ informazzjoni dwar il-Programm fil-livell reġjonali wkoll;

73.

isejjaħ sabiex il-Programm LIFE futur jipprovdi għotjiet finanzjarji għall-operat li jkunu maħsuba għan-netwerks tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jimpenjaw ruħhom fil-promozzjoni attiva tal-Programm LIFE lejn il-muniċipalitajiet u r-reġjuni (18);

74.

jenfasizza li l-Programm LIFE il-ġdid ikompli joffri appoġġ lil proġetti ta’ komunikazzjoni u informazzjoni, b’aktar enfasi fuq l-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-proġetti li jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u għandhom impatt sinifikanti fil-livell tal-UE;

75.

jinnota li sabiex jinkiseb valur miżjud addizjonali mill-komunikazzjoni, il-Programm għandu jkun iċċentrat biex jippromovi attivitajiet speċifiċi, u b’hekk aktar effettivi, ta’ komunikazzjoni f’kull proġett LIFE. B’mod partikulari, dawn l-attivitajiet għandhom jimmiraw l-aktar lejn it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-taħriġ, kif ukoll il-parteċipazzjoni ta’ partijiet interessati prinċipali aktar milli jiġi infurmat il-pubbliku inġenerali permezz ta’ fuljetti jew kartelluni;

76.

ifakkar li l-inizjattivi tal-NGOs biex ixerrdu l-informazzjoni dwar il-Programm LIFE+ s’issa kienu iffokati esklużivament fuq il-finanzjament tal-NGOs Ewropej ibbażati fi Brussell. Fl-2007, 30 NGO mill-UE kollha kienu ffinanzjati b’dan il-mod, meta mqabbla mat-33 fl-2008 u 32 fis-sena ta’ wara. Minkejja li ħafna minnhom huma strutturati f’netwerks, jidher ċar li dan mhuwiex biżżejjed. Għalhekk, huwa importanti ħafna li jiġu appoġġjati aktar l-organizzazzjonijiet attivi fl-Istati Membri, speċjalment fil-livell lokali, għaliex huma proprju dawn l-organizzazzjonijiet li normalment ikunu jafu l-aħjar liema huma l-ħtiġijiet lokali;

77.

jirrakkomanda li sabiex jiġi garantit li l-kampanji ta’ informazzjoni li jwettqu l-NGOs iħallu l-effett tagħhom, dawn l-organizzazzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jikkonċentraw fuq l-attivitajiet attwali tagħhom fil-qasam tal-ambjent u l-informazzjoni, minflok ma jaħlu l-ħin mal-applikazzjonijiet u t-tħejjija tal-kontijiet. Ikun utli wkoll jekk il-Kummissjoni taqbel li tikkonkludi kuntratti għal perjodi twal ta’ mill-inqas bejn sentejn u tliet snin;

78.

jieħu r-responsabbiltà li jkompli jwassal l-informazzjoni dwar il-possibbiltajiet li joffri l-Programm LIFE+, li jippromovi l-parteċipazzjoni tal-applikanti lokali fil-Programm, li jiġbor il-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej u li jipprovdi lill-Kummissjoni bir-rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-esperjenza prattika dwar kif jista’ jitjieb il-Programm u fuq il-potenzjal tal-UE li tiżviluppa strument addizzjonali għan-“natura u l-bijodiversità”, b’mod parallel għall-istrument LIFE l-ġdid.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  L-Istrument Finanzjajru għall-Ambjent (LIFE+) l-aktar reċenti ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 614/2007, ĠU L 149, 9.6.2007.

(2)  Kummissjoni Ewropea, DĠ Ambjent 2010: LIFE Focus “LIFE and local authorities” (LIFE u l-awtoritajiet lokali).

(3)  Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats. Kummissjoni Ewropea, artiklu f’LIFEnews 2010 “LIFE Nature and Biodiversity: what common future?” (LIFE Natura u Bijodiversità: x’futur komuni?).

(4)  Kummissjoni Ewropea, artiklu f’LIFEnews 2010 “LIFE Nature and Biodiversity: what common future?” (LIFE Natura u Bijodiversità: x’futur komuni?)

(5)  Rapport “Valutazzjoni tal-impatti territorjali tal-Istrument tal-UE LIFE+”, imħejji mis-Segretarjat tal-Kumitat tar-Reġjuni, Mejju 2011.

(6)  CdR 253/2004 fin.

(7)  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent tal-20 ta’ Diċembru 2010 dwar Intejbu l-Istrumenti tal-Politika Ambjentali (5302/11).

(8)  CdR 164/2010 fin.

(9)  CEMR 02/2011: Risposta għall-konsultazzjoni dwar strument finanzjarju futur tal-UE għall-ambjent.

(10)  CdR 253/2004 fin

(11)  Il-linja tal-ekoinnovazzjoni tal-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u l-linja “Ambjent” u “Governanza” tal-Programm LIFE+.

(12)  Kummissjoni Ewropea, artiklu f’LIFEnews 2010 “The evolution of LIFE Environment: past, present and future” (Il-progress ta’ LIFE Ambjent: passat, preżent u futur).

(13)  CdR 164/2010 fin, CdR 112/2010 fin.

(14)  CdR 164/2010 fin.

(15)  Rapport “Valutazzjoni tal-impatti territorjali tal-Istrument tal-UE LIFE+”, ara hawn fuq.

(16)  CdR 112/2010 fin.

(17)  SEC(2010) 1120 finali.

(18)  CEMR 02/2011.


2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/62


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011”

2011/C 259/11

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li waħda mill-iktar prijoritajiet ta’ politika importanti tal-Kumitat tar-Reġjuni hija li jiġi żgurat is-suċċess tal-proċess tat-tkabbir tal-UE;

iqis li l-liberalizzazzjoni tal-visa għal xi pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħala eżempju tajjeb ta’ dak kollu li jista’ jinkiseb meta kundizzjonijiet rigorużi jiġu abbinati mal-għoti ta’ vantaġġi speċifiċi;

ma għalaqx għajnejh għall-fatt li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għad hemm firxa sħiħa ta’ sfidi, b’soluzzjonijiet adatti li parzjalment jieħdu ż-żmien u jiffaċċjaw il-problemi; iqis li hemm bżonn ta’ riforma b’mod speċjali fil-bini tan-nazzjon, l-istat tad-dritt u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi fil-livelli kollha, b’mod partikolari fil-livell reġjonali u lokali, fit-titjib tat-tmexxija tal-gvern, fir-riforma tal-ġustizzja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata f’kull livell ta’ gvern;

jenfasizza li l-pajjiżi tal-adeżjoni għandhom ikomplu jiġu appoġġjati bis-saħħa tas-sussidji mill-istrument tal-preadeżjoni (IPA) u s-self mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra;

jinsab konvint li mingħajr rappreżentanti politiċi u amministrattivi mħejjija u mħarrġa sew fil-livell lokali u reġjonali l-isforzi tat-tkabbir ma jistgħux jitwettqu b’suċċess.

Relatur

Is-Sur Franz SCHAUSBERGER (AT/PPE), Delegat tal-Land ta’ Salzburg għall-Kumitat tar-Reġjuni

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011

COM(2010) 660 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Ir-rilevanza tad-dokument għall-awtoritajiet lokali u Reġjonali u l-KtR

1.

jenfasizza li waħda mill-iktar prijoritajiet ta’ politika importanti tal-Kumitat tar-Reġjuni hija li jiġi żgurat is-suċċess tal-proċess tat-tkabbir tal-UE;

2.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali rappreżentati fil-KtR għandhom rwol kruċjali fid-djalogu mal-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali, li kollha għandhom forom differenti ħafna ta’ deċentralizzazzjoni determinati mill-istorja u l-kultura differenti tagħhom;

3.

jagħraf il-bżonn li tinħoloq politika deċentralizzata tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fil-livell reġjonali u lokali għall-proċess tat-tkabbir u jiddikjara li huwa lest jappoġġja lill-awtoritajiet reġjonali u lokali f’dan il-qasam, biex jitħejjew għar-responsabbiltajiet futuri tagħhom u biex tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni mal-kontropartijiet Ewropej tagħhom;

4.

bl-istrateġija tiegħu tar-relazzjonijiet esterni, jippromovi d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni ekonomika u kulturali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi kandidati, tal-pajjiżi kandidati potenzjali u dawk tal-UE;

5.

qed jaħdem b’mod intensiv biex, permezz ta’ kuntatti interistituzzjonali diretti u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti pubbliċi, konferenzi speċjalizzati u gruppi ta’ ħidma, itejjeb il-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-oqsma tal-leġislazzjoni, tal-finanzi u l-amministrazzjoni;

6.

jirriferi, bi gratitudini, għall-fehmiet u l-informazzjoni tal-Kungress ta’ Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa u għall-kontributi importanti tad-delegazzjonijiet tal-pajjiżi li jinsabu fil-proċess tat-tkabbir, l-assoċjazzjonijiet tal-muniċipalitajiet tagħhom u l-NGOs varji;

Kummenti u rakkomandazzjonijiet ġenerali

7.

jilqa’ l-fatt li – kif tindika l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – il-proċess ta’ tkabbir tal-UE sab impetu ġdid mill-adozzjoni tal-aħħar rapporti ta’ progress, minkejja ħafna sfidi oħra, inkluża l-kriżi finanzjarja u ekonomika, u b’hekk id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona ser jiżgura li tinżamm id-dinamika tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea;

8.

jilqa’ l-fatt li, bil-progress li sar fin-negozjati tas-sħubija mal-Kroazja u n-negozjati li bdew f’Lulju 2010 mal-Islanda, is-sitt ċiklu ta’ tkabbir tal-UE issa jidher qrib;

9.

madankollu, jisħaq fuq il-bżonn li t-tħejjija għal kwalunkwe adeżjoni ġdida ssir billi jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet jiġi sodisfati kif suppost;

10.

jinsab konvint li l-proċess tal-adeżjoni joffri opportunità unika għar-riforma politika u ekonomika fil-pajjiżi tat-tkabbir sabiex dawn jilħqu l-istandards Ewropej u jikkontribwixxi wkoll biex tiġi ffaċċjata l-kriżi finanzjarja u ekonomika u għall-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ riforma 2020;

11.

josserva li l-pajjiżi tat-tkabbir, b’mod speċjali l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, għandhom strutturi u tradizzjonijiet politiċi u amministrattivi ferm differenti – anke parzjalment fil-livell lokali u reġjonali – u juru diversità kbira fl-iżvilupp; dawn il-fatturi għandhom jiġu kkunsidrati fil-proċess tat-tkabbir;

12.

jipproponi li jittieħdu miżuri mmirati biex jissaħħu l-SMEs fil-livell lokali u reġjonali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent sabiex jinħolqu l-impjiegi u b’hekk jitnaqqsu l-inċentivi biex iż-żgħażagħ jemigraw, b’mod partikolari miż-żoni mbiegħda u sottożviluppati;

13.

iqis li l-liberalizzazzjoni tal-visa għal xi pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħala eżempju tajjeb ta’ dak kollu li jista’ jinkiseb meta kundizzjonijiet rigorużi jiġu abbinati mal-għoti ta’ vantaġġi speċifiċi;

14.

jilqa’ l-fatt li sa mill-aħħar rapport ta’ progress sar progress fil-qasam ta’ kunflitti bilaterali dejjiema, u seta’ jitnieda djalogu fejn il-pajjiżi tal-adeżjoni bdew jieħdu iktar responsabbiltà għall-kooperazzjoni reġjonali;

15.

madankollu, ma għalaqx għajnejh għall-fatt li fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għad hemm firxa sħiħa ta’ sfidi, b’soluzzjonijiet adatti li parzjalment jieħdu ż-żmien u jiffaċċjaw il-problemi; iqis li hemm bżonn ta’ riforma b’mod speċjali fil-bini tan-nazzjon, l-istat tad-dritt u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi fil-livelli kollha, b’mod partikolari fil-livell reġjonali u lokali, fit-titjib tat-tmexxija tal-gvern, fir-riforma tal-ġustizzja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata f’kull livell ta’ gvern;

16.

jenfasizza li l-pajjiżi tal-adeżjoni għandhom ikomplu jiġu appoġġjati bis-saħħa tas-sussidji mill-istrument tal-preadeżjoni (IPA) u s-self mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra;

17.

jinnota li fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija hemm bżonn li jittieħdu miżuri konkreti fil-ġlieda kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni u favur it-tisħiħ tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari d-drittijiet tan-nisa u t-tfal kif ukoll tar-Roma; rigward il-każ speċifiku tat-Turkija, il-Kumitat huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġu stabbiliti mill-ġdid id-drittijiet tal-bniedem taċ-Ċiprijotti, li jkun hemm moratorju dwar is-sistemazzjoni ta’ popolazzjonijiet li kellhom jiċċaqilqu minn pajjiżhom, li Famagusta tingħata lura lill-abitanti leġittimi tagħha, b’konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u li jiġi applikat il-Protokoll ta’ Ankara, li huwa kundizzjoni tal-UE;

18.

jinsab konvint li mingħajr rappreżentanti politiċi u amministrattivi mħejjija u mħarrġa sew fil-livell lokali u reġjonali l-isforzi tat-tkabbir ma jistgħux jitwettqu b’suċċess;

19.

iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-adeżjoni fl-isforzi tagħhom għad-deċentralizzazzjoni u r-reġjonalizzazzjoni; dan jiffaċilita wkoll l-politika deċentralizzata tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, kif ukoll id-djalogu ċivili u politiku bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-adeżjoni;

20.

josserva li hemm bżonn li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet lokali u reġjonali fil-qasam leġislattiv, finanzjarju u amministrattiv u li, fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġu trasferiti kemm jista’ jkun responsabbiltajiet lil-livell reġjonali u lokali u li jiġu żgurat il-finanzjament tagħhom;

21.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-istrateġiji Ewropej għall-makroreġjuni jirrappreżentaw strument importanti sabiex jitħaffef il-proċess ta’ integrazzjoni anke permezz tat-tisħiħ tar-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u, fl-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju u l-Istrateġija futura tal-UE għall-makroreġjun Adrijatiku-Joniku, jara opportunitajiet ġodda għall-kooperazzjoni reġjonali, anke mal-pajjiżi tat-tkabbir;

22.

jinnota li sa mill-2000, l-Inizjattiva Adrijatika-Jonika stabbiliet l-għan li tiggarantixxi l-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp u l-kooperazzjoni fiż-żona UE-Balkani tal-Punent u li l-Kunsill Adrijatiku-Joniku ħa l-impenn li jappoġġja l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun Adrijatiku-Joniku fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej u bl-involviment tal-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

23.

jitlob lill-Istati Membri rilevanti u lill-Kummissjoni Ewropea biex janalizzaw sa fejn jistgħu jinħolqu interkonnessjonijiet u sinerġiji bejn id-diversi strateġiji tal-UE għall-makroreġjuni;

24.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea teżamina kif tista’ tisfrutta l-potenzjal tar-Raggruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) eżistenti li jaħdmu fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent u l-Baċir tal-Mediterran bil-għan li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija jiġu adattati għall-acquis Komunitarju;

25.

qabel kollox, għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-Turkija jipproponi li jittieħdu miżuri konkreti biex l-għadd ta’ nisa fil-korpi rappreżentattivi lokali u reġjonali jiżdied b’mod konsiderevoli;

26.

jirrakkomanda lill-Kummissjoni li, fir-rapporti futuri dwar l-istrateġija tat-tkabbir, tidħol f’iktar dettall dwar is-sitwazzjoni u l-istandards tal-governanza awtonoma reġjonali u lokali b’rabta mar-rwol importanti li jaqdu fit-traspożizzjonij tal-politiki tal-UE u anke biex tagħmel iktar biex tiġbed l-attenzjoni tal-pajjiżi tal-adeżjoni b’mod aktar ċar għall-bżonn ta’ riforma fl-oqsma tar-reġjonalizzazzjoni u tad-deċentralizzazzjoni;

Rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont il-pajjiżi

A)   Pajjiżi Kandidati

Il-Kroazja

27.

jilqa’ l-fatt li l-Kroazja għamlet progress tant tajjeb fin-negozjati għall-adeżjoni fl-2010 u fl-2011 li fit-30 ta’ Ġunju 2011 in-negozjati għall-adeżjoni mal-UE setgħu jintemmu uffiċjalment u b’hekk huwa mistenni li fl-1 ta’ Lulju 2013 dan il-pajjiż jaderixxi mal-UE bħala l-28 membru tagħha;

28.

madankollu, iqis ukoll li huwa urġenti li qabel kollox il-Kroazja tieħu ż-żmien meħtieġ biex tikkonforma mal-benchmarks tal-Kapitolu 23 li għadhom mhumiex sodisfati. Fosthom insibu b’mod partikolari kooperazzjoni mingħajr restrizzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal Dik li kienet il-Jugoslavja, ġlieda deċiżiva kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata fl-ogħla livell statali, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja kif ukoll ir-rispett u l-ħarsien tal-minoritajiet, inkluż ir-ritorn tar-rifuġjati;

29.

f’dan ir-rigward, jinnota li hemm bżonn ta’ iktar sforzi għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali assolutament għandhom ikunu involuti, biex jiġu eliminati l-proċeduri burokratiċi eżistenti kif ukoll il-politiċizzazzjoni eċċessiva, u biex jissaħħu l-kapaċitajiet, l-effiċjenza, l-awtonomija u l-affidabbiltà tal-amministrazzjoni fil-livelli kollha;

30.

jħeġġeġ l-implimentazzjoni rapida tal-liġi l-ġdida dwar il-paga tal-impjegati tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u ta’ “L-istrateġija nazzjonali għat-taħriġ tal-impjegati u l-persunal tal-gvernijiet awtonomi muniċipali u reġjonali 2009-2013” biex jittejjeb il-provvediment ta’ servizzi deċentralizzati għaċ-ċittadini u tinbena amministrazzjoni pubblika moderna u effiċjenti;

31.

jipproponi li, minkejja l-progress li nkiseb fil-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-fondi strutturali, għad iridu jittieħdu iktar miżuri li jwasslu għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-livell reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u billi jitħarrġu u jitħejjew l-impjegati fil-qasam tal-amministrazzjoni u l-politiċi lokali u reġjonali, joffru l-possibbiltà li jiġu żviluppati proġetti adatti għall-appoġġ mill-fondi tal-UE. B’hekk, jiġu indirizzati d-disparitajiet fl-iżvilupp li jeżistu bejn ir-reġjuni Kroati, u jsir kontribut biex tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali;

32.

jirrakkomanda li tiġi implimentata strateġija tad-deċentralizzazzjoni li, minn naħa, ittejjeb il-qagħda finanzjarja tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u, minn naħa oħra, tippermetti lir-rappreżentanti lokali u reġjonali jieħdu sehem fil-proċess leġislattiv, kif ukoll li jiġu implimentati l-Linji Gwida għad-Deċentralizzazzjoni Funzjonali u l-Organizzazzjoni Territorjali approvati fil-laqgħa ta’ Lulju 2010;

33.

jilqa’ l-ħafna inizjattivi indipendenti ta’ politika lokali li ħadu r-reġjuni u l-muniċipalitajiet sabiex jiġbdu lill-investituri, bħall-isforzi sabiex titnaqqas il-burokrazija u tingħata l-għajnuna – fatturi li jżidu n-numru ta’ kumpaniji stabbiliti lokalment u li jżidu l-impjiegi; madankollu, jittama li l-inċertezza legali konsiderevoli dwar il-proprjetà tista’ titneħħa permezz ta’ leġislazzjoni ġdida;

34.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-titjib reċenti fir-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Kroazja u pajjiżi oħra tal-adeżjoni, bħas-Serbja, u Stati Membri qraba fl-UE, bħas-Slovenja, jista’ jiġi kkonsolidat permezz ta’ kooperazzjoni transkonfinali reġjonali u lokali;

35.

jirrakkomanda li jsir iktar progress fil-qasam tad-drittijiet tal-minoritajiet, id-drittijiet kulturali, il-protezzjoni tal-minoritajiet u r-ritorn tar-rifuġjati permezz ta’ parteċipazzjoni msaħħa tal-persuni responsabbli fil-livell lokali u reġjonali u li jittieħdu passi biex jissaħħaħ l-appoġġ reġjonali mmirat għar-ritorn tar-rifuġjati, speċjalment f’dawk ir-reġjuni li tħallew vojta – meta n-nies kellhom jiċċaqilqu minħabba l-gwerra f’Dik li kienet il-Jugoslavja u f’dan ir-rigward jilqa’ l-kooperazzjoni msaħħa mas-Serbja u l-UNHCR;

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

36.

bi pjaċir jinnota li Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għadha tilħaq il-kriterji politiċi u fl-2010 għamlet iktar progress; jistqarr madankollu li għad iridu jsiru iktar sforzi f’ħafna mill-oqsma tal-kriterji politiċi, bħall-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja, ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, il-libertà tal-espressjoni tal-mezzi tax-xandir u rieda ġenerali biex jitwettqu r-riformi; huwa tal-fehma wkoll li fost l-elementi importanti biex Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja titqarreb lejn l-UE nsibu ż-żamma ta’ relazzjonijiet tajba ta’ viċinat, speċjalment fil-livell transkonfinali reġjonali u lokali. Dan jinkludi soluzzjoni negozjata u aċċettata reċiprokament dwar il-kwistjoni tal-isem taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti;

37.

jenfasizza li għandu jissaħħaħ id-djalogu dwar ir-relazzjonijiet interetniċi u jappella għal laqgħat regolari tal-kumitat parlamentari kompetenti sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Ohrid;

38.

jilqa’ l-fatt li d-deċentralizzazzjoni, wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-Ftehim ta’ Ohrid, qed tkompli timxi ’l quddiem,li l-Grupp ta’ Ħidma Interministerjali għad-Deċentralizzazzjoni ltaqa’ b’mod regolari u li l-Programm u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-deċentralizzazjoni 2008-2010 ġew aġġornati;

39.

jilqa’ l-fatt li muniċipalitajiet oħra jinsabu fl-aħħar fażi tal-proċess tad-deċentralizzazzjoni finanzjarja, b’77 minn 85 muniċipalità li issa jinsabu f’din il-fażi;

40.

jilqa’ wkoll il-fatt li l-liġi dwar il-finanzjament tal-gvernijiet awtonomi lokali ġiet riveduta kompletament, b’tali mod li sal-2013 l-ammont ta’ VAT identifikat għall-muniċipalitajiet ser jiżdied minn 3 % għal 4,5 %, għalkemm dan jaf ma jkunx biżżejjed, sabiex il-muniċipalitajiet ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom b’mod sodisfaċenti;

41.

iqis bħala ħaġa pożittiva li l-Istrateġija dwar it-trasferiment tar-responsabbiltà amministrattiva tal-artijiet fuq proprjetà statali lill-muniċipalitajiet mill-2011 tlestiet u issa jistenna li din l-istrateġija tiġi implimentata mill-iktar fis possibbli;

42.

jinnota li, minkejja l-fatt li bosta muniċipalitajiet espandew il-monitoraġġ tal-kwistjonijiet finanzjarji, jinħtieġu iktar programmi ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet (Capacity Building Programmes), sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-muniċipalitajiet fil-qasam tal-amministrazzjoni fiskali, l-iżvilupp tal-persunal u l-monitoraġġ finanzjarju, u jiddispjaċih li r-riformi miftiehma fil-laqgħat ta’ kull xahar tal-Kumitat ta’ Livell Għoli għall-Amministrazzjoni Pubblika għadhom ma ġewx implimentati b’mod sistematiku jew effettiv;

43.

jirrakkomanda li l-kwistjonijiet tad-deċentralizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-politika finanzjarja u baġitarja fil-livell lokali jitħaffu bis-saħħa ta’ intervent speċjali tal-ministeri rilevanti u jiddispjaċih li l-kumitat interministerjali għall-monitoraġġ tal-finanzjament tal-muniċipalijiet iltaqa’ darba biss u li fil-fondi tal-proġetti muniċipali mill-gvern nazzjonali m’hemmx biżżejjed trasparenza u koordinazzjoni għal żvilupp reġjonali bilanċjat;

44.

b’dispjaċir jinnota d-dewmien dejjem ikbar fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma għall-iżvilupp reġjonali, kif ukoll in-nuqqas kontinwu ta’ kapaċità teknika fir-rigward tat- tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ proġetti fi ħdan il-ministeri u l-amministrazzjonijiet lokali;

45.

iqis li għandhom jiġu stabbiliti kriterji iktar ġusti dwar it-tqassim tar-riżorsi mill-fondi tal-investiment statali lill-muniċipalitajiet, b’tali mod li ma tingħatax l-impressjoni li l-partiti politiċi jew etniċi qed jagħmlu l-għotjiet mhux tal-inqas biex tiġi mxekkla d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-minoritajiet etniċi;

46.

jenfasizza l-bżonn li jiġu żgurati kompletament il-garanziji legali għall-minoritajiet f’kull livell u t-titjib tal-integrazzjoni tal-komunitajiet etniċi, b’mod speċjali tar-Roma, u jappella lill-gvern biex jirratifika l-Karta Ewropea tal-lingwi reġjonali jew tal-minoritajiet u li jissaħħaħ l-istatus tal-Kumitat għar-relazzjonijiet bejn il-komunitajiet etniċi;

47.

jinnota li l-liġi dwar il-gvernijiet awtonomi lokali titrasferixxi poteri kruċjali lill-awtoritajiet lokali, għad li l-effett ta’ din il-liġi huwa limitat minn dispożizzjonijiet legali oħra u m’hemmx riżorsi finanzjarji biżżejjed għall-implimentazzjoni tagħha;

L-Islanda

48.

jilqa’ l-fatt li f’Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jniedi negozjati għall-adeżjoni mal-Islanda u jinnota b’sodisfazzjon li l-Islanda tilħaq il-kriterji politiċi, li hija demokrazija parlamentari funzjonali b’istituzzjonijiet b’saħħithom, b’sistema kostituzzjonali u leġislattiva stabbli, b’sistema ġudizzjarja stabbilita, u amministrazzjoni pubblika effiċjenti;

49.

bi pjaċir jinnota li l-Islanda għandha gvernijiet awtonomi muniċipali ferm effiċjenti, iżda jirrakkomanda li, b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà, jkun hemm iktar deċentralizzazzjoni u li jiġu trasferiti aktar responsabbiltajiet lill-muniċipalitajiet;

50.

fl-iżvilupp ta’ proġetti speċifiċi ta’ żvilupp reġjonali bl-appoġġ tal-fondi tal-UE, huwa jara opportunità għall-isforz kontra l-eżodu mill-muniċipalitajiet imbiegħda u żgħar u għall-prevenzjoni tal-amalgamazzjoni ta’ muniċipalitajiet;

51.

bi pjaċir jinnota l-inklużjoni ta’ gruppi ta’ ħidma dwar il-politika reġjonali fit-tim tan-negozjati tal-adeżjoni u jirrakkomanda li r-rappreżentanti tal-livell lokali jiġu involuti mill-qrib;

52.

ifakkar li taħt it-Trattati tal-UE, kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jivvota u d-dritt li joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn jgħix bl-istess kundizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat [Art. 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali]; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Islanda tadatta b’dawn id-dispożizzjonijiet id-dritt li wieħed jivvota fl-elezzjonijiet lokali;

53.

jinnota li jeżisti xettiċiżmu u/jew oppożizzjoni konsiderevoli fost iċ-ċittadini u bosta gruppi politiċi fl-Islanda fir-rigward tas-sħubija fl-UE u li hemm bżonn ta’ sforzi konsiderevoli sabiex iċ-ċittadini tal-Islanda jingħataw biżżejjed informazzjoni dwar l-effetti ta’ sħubija fl-UE u għal dan il-għan jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali jiġu involuti mill-qrib;

54.

jirrakkomanda li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġi stabbilit tqassim ċar tal-poteri bejn il-gvern ċentrali u l-amministrazzjoni lokali permezz ta’ miżuri leġislattivi adatti u li jinħoloq strument leġislattiv biex l-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jikkuntestaw id-deċiżjonijiet jekk dawn imorru kontra l-prinċipji tal-awtonomija tal-gvern lokali;

55.

iqis bħala problema l-fatt li 26 mis-76 muniċipalità Islandika għandhom inqas minn 500 abitant; barra minn hekk, il-muniċipalitajiet kultant ikunu sitwati ’l bogħod sew minn xulxin, li jfisser li iktar tnaqqis fl-għadd ta’ muniċipalitajiet jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn in-nies ikollhom jagħmlu vjaġġi twal biex jilħqu s-servizzi u r-rappreżentanzi muniċipali. Għalhekk, jirrakkomanda li l-kooperazzjoni bejn il-muniċipalitajiet iż-żgħar tiżdied b’mod konsiderevoli biex jiġi żgurat li jkomplu jeżistu u biex ikunu jistgħu jkomplu jaħdmu flimkien għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti sponsorjati mill-UE;

It-Turkija

56.

jittama li l-Kostituzzjoni attwali tkun tista’ tiġi sostitwita minn Kostituzzjoni ċivili msejsa fuq l-iktar konsultazzjonijiet mifruxa ma’ gruppi u partijiet diversi tas-soċjetà, inklużi l-livelli lokali/reġjonali, kif ukoll minoranzi etniċi u l-komunitajiet reliġjużi. F’dan ir-rigward, jilqa’ l-adozzjoni li għaddiet dwar il-pakkett tar-riforma kostituzzjonali u l-isforzi relatati tad-demokratizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni, u jittama li, fuq din il-bażi, tittejjeb il-klima politika u jkun hemm rieda ikbar fost il-partiti politiċi u l-istituzzjonijiet politiċi biex jidħlu fi djalogu u kompromessi; għaldaqstant isejjaħ għal implimentazzjoni rapida tar-riforma kostituzzjonali minn issa ’l quddiem u għal appoġġ wiesa’ għaliha mill-partiti politiċi u mis-soċjetà ċivili;

57.

jagħraf li r-riformi introdotti s’issa u r-rieda biex jiġu implimentati oħrajn għandu jkollhom ukoll impatt pożittiv fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

58.

iħeġġeġ lill-gvern tat-Turkija biex, minkejja l-progress li sar f’dan il-qasam, ikompli bl-isforzi tiegħu biex jiġi żgurat ir-rispett għall-libertà tat-twemmin, id-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-mezzi tax-xandir; jitlob lit-Turkija tagħmel sforzi addizzjonali u, jekk ikun bżonn, tadotta leġislazzjoni ġdida biex tiggarantixxi l-libertà tal-minoranzi reliġjużi ta’ twemmin li mhuwiex Musulman li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom mingħajr tfixkil u li jwettqu l-attivitajiet tagħhom mingħajr restrizzjonijiet;

59.

bi pjaċir jinnota li sar progress fil-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti ta’ politika strutturali, u li l-atturi sottonazzjonali kienu iktar involuti fit-tħejjija; madankollu, josserva li fil-livell nazzjonali, hemm bżonn li jsir titjib biex tiżdied l-effikaċja tal-korpi amministrattivi involuti f’dawn il-kwistjonijiet, sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jintużaw b’mod iktar effiċjenti u sabiex it-Turkija titħejja kif suppost għall-użu tal-Fondi Strutturali;

60.

huwa konvint li r-riżoluzzjoni tal-kwistjoni Kurda, li s’issa għadha ma ġietx solvuta b’mod partikolari fil-Lvant u x-Xlokk tal-pajjiż, tista’ tiġi megħjuna permezz tat-tisħiħ tal-gvern lokali u reġjonali awtonomu. Jirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok ikomplu bl-isforzi sabiex isaħħu l-gvern lokali u reġjonali awtonomu permezz ta’ strateġija ta’ deċentralizzazzjoni iktar fit-tul u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok jipprovdu aktar riżorsi lill-governanza awtonoma lokali;

61.

jissuġġerixxi li jiġi studjat sa liema punt l-aqwa prattiki u eżempji tajbin li diġà jeżistu ta’ strutturi li jaqsmu l-poter reġjonali/federali fi ħdan l-UE, kif ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u d-deċentralizzazzjoni jistgħu jgħinu biex tinstab soluzzjoni għall-problemi;

62.

jitlob lit-Turkija biex, fin-negozjati ta’ bħalissa, tagħti xhieda tar-rieda tagħha li ssolvi l-kwistjoni ta’ Ċipru u li timplimenta r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Ċipru;

63.

jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ progress fl-applikazzjoni tat-tieni Protokoll Addizzjonali mehmuż mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (l-hekk imsejjaħ Protokoll ta’ Ankara), li jestendi l-unjoni doganali mat-Turkija, li ilha stabbilita mill-1996, għal għaxar Stati Membri ġodda, fosthom ir-Repubblika ta’ Ċipru;

64.

jappoġġja l-isforzi li tnedew fl-2010 mill-Kummissjoni Ewropea biex jinbnew sħubijiet ta’ proġetti bejn il-muniċipalitajiet fl-Istati Membri tal-UE u fit-Turkija sabiex il-muniċipalitajiet tat-Turkija jingħataw appoġġ għall-iżvilupp, it-tisħiħ u l-estensjoni fl-oqsma tal-ġestjoni tal-iskart, il-protezzjoni ambjentali, it-trasport, is-servizzi soċjali, il-provvista tal-enerġija, it-turiżmu u l-kultura;

65.

lest jilqa’ l-kunċett li l-muniċipalitajiet u l-provinċji jingħataw l-opportunità li jistabbilixxu relazzjonijiet ma’ reġjuni u muniċipalitajiet f’pajjiżi oħra mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-Ministru tal-Affarijiet Interni, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE biex isaħħu l-kooperazzjoni mar-reġjuni u l-muniċipalitajiet Torok;

66.

jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti sa minn kmieni fil-proċess tal-adeżjoni billi parti kbira mil-leġislazzjoni tal-UE ser ikollha tiġi implimentata fil-livell lokali u reġjonali u jqis li huwa partikolarment importanti li l-kapaċità amministrattiva tiġi kkonsolidata fil-livell lokali u reġjonali;

67.

lest jagħmel parti minn kumitat konsultattiv konġunt flimkien mar-rappreżentanti tal-korpi lokali u reġjonali fit-Turkija biex jiġi appoġġjat iktar il-proċess tad-deċentralizzazzjoni fil-pajjiż u biex jingħataw kontributi konkreti għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva fil-livell lokali u reġjonali;

68.

jirrakkomanda tnaqqis gradwali fl-influwenza tal-gvernaturi fil-ħidma tal-awtonomija reġjonali;

69.

jissuġġerixxi li tinħoloq struttura legali li tagħmel il-konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali obbligatorja kulfejn jintlaqtu l-interessi u l-poteri tagħhom;

70.

josserva li t-Turkija għad għandha disparitajiet reġjonali konsiderevoli, li qed jirriżultaw fi sfidi serji għall-politika reġjonali u l-iżvilupp strutturali għat-tnaqqis gradwali ta’ dawn id-disparitajiet u għalhekk jappella biex titfassal strateġija biex jitnaqqas id-distakk tal-iżvilupp bejn iż-żoni rurali u urbani;

71.

jirrakkomanda li, b’konformità mal-acquis Komunitarju, qabel kollox jinfetaħ mill-iktar fis possibbli l-Kapitolu 22 dwar il-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti ta’ politika strutturali;

72.

jirrakkomanda li tinħareġ liġi dwar ir-riżorsi finanzjarji tal-provinċji u l-muniċipalitajiet mill-iktar fis possibbli, biex isiru disponibbli r-riżorsi finanzjarji adegwati għall-awtoritajiet sottonazzjonali biex ikunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet u l-kompiti tagħhom;

73.

jinnota r-rwol importanti li taqdi t-Turkija bħala attur reġjonali b’rabta mal-istrateġija tal-UE għall-Baħar l-Iswed u jirrakkomanda li t-Turkija tieħu impenn sod f’din il-kwistjoni, u li jieħdu sehem ukoll dawk ir-reġjuni bi fruntiera diretta mal-Baħar l-Iswed;

B)   Pajjiżi Kandidati Potenzjali

L-Albanija

74.

jilqa’ l-isforzi tal-Albanija biex tikkonforma mal-kriterji politiċi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari bit-twettiq tal-impenji stabbiliti fil-Ftehim ta’ Stabbiltà u Assoċjazzjoni;

75.

jinnota li l-Albanija għad trid toħloq miżuri konsiderevoli għall-politika reġjonali biex tilħaq l-istandards Ewropej; dan jirrelata b’mod partikolari man-nuqqas ta’ unitajiet territorjali ekwivalenti għan-NUTS-2 u leġislazzjoni uniformi koordinata għall-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-iżvilupp reġjonali;

76.

b’dispjaċir jinnota l-istrutturi li għadhom inadegwati għall-ġestjoni finanzjarja tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod speċjali rigward il-possibbiltà li jinġabru riżorsi finanzjarji, possibbiltajiet limitati għall-infiq u implimentazzjoni bil-mod ħafna tal-miżuri tad-deċentralizzazzjoni, l-awtonomija amministrattiva u t-trasferiment assoċjat tal-poteri lil-livelli sottonazzjonali;

77.

jinnota li għad hemm ftit wisq persunal imħarreġ kif suppost fil-livelli kollha biex in-negozjati mal-programmi tal-UE jkunu effiċjenti;

78.

jappella biex l-istrutturi demokratiċi fl-Albanija jiġu konsolidati, b’mod speċjali fir-rigward tal-istituzzjonijiet politiċi u d-djalogu mal-partiti kollha, sabiex ikun hemm iktar stabbiltà politika fil-pajjiż u l-gvern ikun jista’ jfassal attivitajiet amministrattivi b’mod ikar effiċjenti, li mingħajrhom ir-riformi neċessarji jkunu impossibbli; f’dan il-kuntest, huwa jenfasizza li l-parteċipazzjoni tal-oppożizzjoni fil-ħidma parlamentari hija indispensabbli;

79.

jirrakkomanda li jiġu introdotti elezzjonijiet diretti għall-kunsilli reġjonali u li titfassal leġislazzjoni ġdida dwar l-awtonomija tal-gvern lokali;

80.

jipproponi li sabiex jissaħħu l-awtoritajiet lokali u reġjonali, jiġi riformat ir-rwol tal-prefetti u b’dan il-mod jiġu limitati d-drittijiet tagħhom tal-monitoraġġ u tiġi żgurata definizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet tagħhom rigward il-kunsilli reġjonali;

81.

jappella għall-adozzjoni tar-riforma elettorali rakkomandata mill-OSCE, bil-għan li jiġi żgurat li l-elezzjonijiet f’kull livell jikkonformaw mal-istandards Ewropej u internazzjonali; jieħu nota tar-rapport tal-OSCE u tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn intqal li l-elezzjonijiet muniċipali tat-8 ta’ Mejju 2011 saru bl-iktar b’mod trasparenti, ġust u kalm; jitlob li jiġu stabbiliti regoli ċari dwar il-validità tal-iskedi elettorali u jittama li l-partiti politiċi jirritornaw għall-ħajja politika ordinarja;

82.

jenfasizza l-kunflitti vjolenti reċenti u jistenna li l-Albanija tieħu kull miżura possibbli mill-iktar fis possibbli, biex tiżgura l-istabbiltà politika fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

83.

jirrakkomanda bil-qawwa li r-rappreżentanti muniċipali jkunu involuti fil-proċess ta’ negozzjazzjoni mal-UE;

Il-Bosnja-Ħerzegovina

84.

jiddispjaċih għall-fatt li fl-2010 l-Bożnja-Ħerzegovina m’għamlitx wisq progress fl-implimentazzjoni ta’ riformi prinċipali u għall-fatt li għad hemm inkonsistenzi bejn il-kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem minkejja s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

85.

jitlob reviżjoni urġenti tal-kostituzzjoni u titjib fl-effiċjenza u t-tħaddim tal-korpi statali kollha sabiex il-pajjiż ikun f’qagħda li jadotta, jagħmel traspożizzjoni u jimplimenta l-leġislazzjoni u r-regolamenti tal-UE;

86.

iqis li huwa inaċċettabbli li l-kostituzzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina għadha tistipula li ċ-ċittadini li ma jagħmlux parti minn waħda mit-tliet komunitajiet (Bosnjaka, Kroata jew Serba) ma jistgħux joħorġu bħala kandidati għall-presidenza jew għall-parlament; jenfasizza d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li skontha dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem;

87.

iqis li huwa importanti li, fl-10 ta’ Marzu, il-Kunsill tal-Ministri adotta pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u waqqfet grupp ta’ ħidma; madankollu, jilmenta l-fatt li dan il-grupp għadu ma wasal għall-ebda ftehim;

88.

jiddispjaċih għall-fatt li anke l-aħħar elezzjonijiet fl-2010 kienu soġġetti għal-limitazzjonijiet tad-dritt tal-vot skont l-etniċità u r-residenza, li b’mod ċar imorru kontra l-prinċipji demokratiċi u d-dritt għat-trattament ugwali mingħajr diskriminazzjoni;

89.

b’dispjaċir jirrapporta li l-prerekwiżiti għall-għeluq tal-Uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli għadhom ’il bogħod milli jintlaħqu; dawn jinkludu t-tqassim raġonevoli ta’ proprjetà bejn l-Istat u l-livelli amministrattivi l-oħra; bl-istess mod jiddispjaċih li l-ħidma tal-korpi eżekuttivi u leġislattivi fil-livelli kollha tal-Istat għadha kważi b’mod esklużiv organizzata skont il-linji etniċi u tbati minn nuqqas sew ta’ koordinazzjoni;

90.

jiddispjaċih għall-fatt li l-Bosnja-Ħerzegovina hija l-uniku pajjiż li mhux ser jipparteċipa fiċ-ċensiment tal-2011 minħabba li s’issa għadha m’għaddhietx liġi taċ-ċensiment;

91.

jinnota li sar progress limitat fil-kwistjonijiet relatati mas-sistema ġudizzjarja, għalkemm għad hemm bżonn aktar titjib fil-livell tal-entitajiet (sottonazzjonali) u d-distretti;

92.

jiddispjaċih li sar biss progress limitat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li l-proċedimenti legali fil-każijiet ta’ korruzzjoni jipproċedu biss b’rata bil-mod ħafna u li għadd żgħir biss ta’ każijiet ta’ livell għoli tressqu quddiem il-qorti; fost affarijiet oħra, dan jinbet min-nuqqas ta’ implimentazzjoni adegwata tal-leġislazzjoni u minn problemi fil-koordinazzjoni bejn l-entitajiet;

93.

jilqa’ l-fatt li l-għadd ta’ skejjel maqsuma skont il-linji etniċi naqas u fil-biċċa l-kbira tal-iskejjel iddaħħal kors komuni ta’ 9 snin; madankollu, jikkritika l-fatt li għad hemm diviżjoni etnika tal-istudenti fl-iskejjel;

94.

jiddispjaċih li l-Bosnja-Ħerzegovina, għalkemm tirċievi appoġġ finanzjarju mill-IPA, għadha mhijiex f’qagħda biex tibni l-istrutturi neċessarji għad-deċentralizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-fondi tal-UE bil-mod adatt;

95.

jenfasizza problemi partikolari fil-Federazzjoni tal-Bosnja-Ħerzegovina fejn hemm setgħat doppji fl-entitajiet, id-distretti u l-muniċipalitajiet, għax sal-lum il-leġislazzjoni fid-diversi livelli ma ġietx armonizzata;

96.

jirrifjuta l-isfidi ripetuti għall-għaqda territorjali tal-istat, tal-istituzzjonijiet u s-setgħat tiegħu, l-iktar mir-Repubblika Srpska, jikkritika bil-qawwa t-tentattivi reċenti tar-Republika Srpska li permezz ta’ referendum ikkontestat il-validità tar-rappreżentat għoli tal-ġurisdizzjoni tal-Istat Federali, u jirrakkomanda li f’ċerti oqsma jiġu konsolidati l-poteri tal-istat kollu tal-Bosnja-Ħerzegovina u li tiġi stabbilita żona ekonomika unika; għalhekk, iħeġġeġ lill-politiċi fil-livell federali tal-entitajiet u tad-distretti biex ifasslu ftehim intermedju;

97.

jinnota li r-riżorsi tal-awtoritajiet lokali bħalissa huma eċċessivament limitati, il-kwistjoni tal-proprjetà pubblika għadha ma ġietx iċċarata biżżejjed u l-kriterji etniċi għall-eżerċizzju tad-drittijiet politiċi fil-livell lokali u reġjonali jeħtieġu riforma urġenti;

98.

iqis li tinħtieġ riforma tal-proprjetà pubblika f’kull livell;

99.

jappella biex il-persuni responsabbli fil-livelli kollha ta’ gvern isaħħu l-kooperazzjoni transkonfinali mal-pajjiżi ġirien;

Is-Serbja

100.

bi pjaċir jinnota li s-Serbja mxiet ’il quddiem fl-aġenda tagħha ta’ riforma politika u kompliet tagħmel progress notevoli sabiex tilħaq ir-rekwiżiti tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; madankollu, jinnota li għad hemm bżonn li jsir iktar sforz;

101.

bl-istess mod bi pjaċir jinnota li s-Serbja għamlet passi kbar favur ir-rikonċiljazzjoni fir-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent u qed taħdem b’mod kostruttiv mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal Dik li kienet il-Jugoslavja;

102.

jilqa’ t-tnedija ta’ taħdidiet diretti bejn is-Serbja u l-Kosovo, kif ukoll il-fatt li diġà kien possibbli li tinkiseb ftit konverġenza, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat isegwu dawn it-taħdidiet b’mod kostruttiv;

103.

jilqa’ l-fatt li l-istatut il-ġdid tal-Provinċja Awtonoma ta’ Vojvodina daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2010; madankollu, jappella lill-gvern tas-Serbja sabiex mill-iktar fis jiffinalizza u jimplimenta xi dispożizzjonijiet li għadhom ma ġewx definiti tal-istatut, bħat-trasferiment tal-proprjetà pubblika lill-Provinċja Awtonoma ta’ Vojvodina;

104.

b’mod partikolari jilqa’ ż-żieda fl-isforzi u l-inizjattivi fl-2010 għad-deċentralizzazzjoni tal-gvern fis-Serbja

105.

jirrakkomanda b’mod urġenti li r-rappreżentanti tal-Provinċja Awtonoma tal-Vojvodina u l-Assemblea tal-Bliet u l-Muniċipalitajiet Serbi jiġu inklużi fil-kumitat tas-Serbja għan-negozjati mal-UE;

106.

jissuġġerixxi li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet legali li jagħmlu l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali obbligatorja għall-gvernijiet nazzjonali kulfejn jintlaqtu l-interessi u s-setgħat tagħhom;

107.

jirrakkomanda li jinħolqu rekwiżiti legali u inċentivi għal komunikazzjoni aħjar bejn il-muniċipalitajiet sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika u sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi disponibbli jintużaw b’mod iktar ekonomiku;

108.

jinnota li s-Serbja għad għandha għadd eċċessivament kbir ta’ rifuġjati li qed jistennew soluzzjoni għas-sitwazzjoni tagħhom; qabel kollox dan jeħtieġ miżuri komprensivi fil-livell muniċipali;

Il-Montenegro

109.

jilqa’ l-fatt li l-Montenegro għamel progress konkret sabiex jilħaq il-kriterji politiċi u l-kundizzjonijiet tal-proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni iżda jinnota li hemm bżonn isiru iktar sforzi f’dan il-qasam;

110.

jenfasizza l-importanza ta’ amministrazzjoni trasparenti u affidabbli fil-livell lokali u ta’ iktar deċentralizzazzjoni tar-responsabbiltajiet u r-riżorsi finanzjarji;

111.

jappella għall-adozzjoni tal-liġi dwar l-organizzazzjoni reġjonali u ż-żidiet għal-liġi dwar il-finanzi lokali;

112.

qed jagħmel pressjoni għal kooperazzjoni aħjar bejn il-gvern u l-kunsilli tal-minoritajiet sabiex jiġi żgurat li l-minoritajiet ikunu rappreżentati fl-amministrazzjoni pubblika, l-organizzazzjonijiet statali u l-korpi tal-gvernijiet awtonomi lokali;

113.

iħeġġeġ lill-Montenegro jkompli jespandi l-kapaċità amministrattiva tiegħu f’kull qasam, b’mod partikolari fil-livell lokali, u jżid il-professjonaliżmu fis-servizz ċivili u jnaqqas il-politiċizzazzjoni fl-amministrazzjoni pubblika;

Il-Kosovo

114.

jinnota b’sodisfazzjon li l-proċess ta’ deċentralizzazzjoni tal-Kosovo mexa ’l quddiem, il-kooperazzjoni mal-EULEX żdiedet u sar progress fl-implimentazzjoni tal-aġenda Ewropea u l-politika ta’ riforma;

115.

jagħmel pressjoni għal kjarifika sħiħa u mingħajr dewmien tal-akkużi kontra r-rappreżentanti ta’ livell għoli tal-Kosovo fir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa skont ir-Rapport ta’ Marty;

116.

bi tħassib jinnota li għad hemm nuqqas konsiderevoli ta’ djalogu u rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet differenti kif ukoll nuqqas ta’ protezzjoni u integrazzjoni tal-minoritajiet, b’mod partikolari s-Serbi tal-Kosovo;

117.

huwa ferm imħasseb dwar l-irregularitajiet, il-prattiki illegali u l-frodi elettorali fl-aħħar elezzjoni, li reġgħu seħħew fl-elezzjonijiet parzjali sussegwenti neċessarji, u b’xorti ħażina jqis dan bħala sinjal ċar ta’ nuqqas ta’ maturità demokratika;

118.

iħeġġeġ lill-Kosovo sabiex ikompli għaddej bil-proċess ta’ deċentralizzazzjoni u r-riforma fil-gvern lokali; jilqa’ t-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma fil-Ministeru għal Gvern Lokali Awtonomu b’mod partikolari biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-Tramuntana tal-Kosovo u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-deċentralizzazzjoni tista’ tinkiseb biss meta tkun involuta l-popolazzjoni lokali;

119.

jinsab imħasseb ukoll li kien hemm inċidenti vjolenti rikorrenti fir-reġjun ta’ Mitrovica fit-Tramuntana tal-Kosovo, eżattament b’rabta mal-elezzjonijiet, u li s’issa ma kien hemm l-ebda suċċess biex tinkiseb il-paċi f’dan ir-reġjun.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


2.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 259/70


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE”

2011/C 259/12

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jispera li l-istrateġija fil-livell tal-UE tkun tista' toffri valur miżjud effettiv b'mod konkret meta mqabbla ma’ inizjattivi ekwivalenti tal-Istati Membri individwali proprju minħabba n-natura dejjem aktar ta’ spiss transkonfinali tal-fenomenu li jrid jiġi indirizzat;

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li fit-twettiq tal-miżuri previsti, l-esiġenza ta’ salvagwardja għas-sigurtà interna u s-sigurtà taċ-ċittadini, b'attenzjoni speċjali għall-ħarsien tal-privatezza, timxi pass pass mal-esiġenza parallela li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali;

jipproponi li l-UE tippromovi wkoll il-possibbiltà li jitwaqqfu awtoritajiet kuntrattwali ċentrali, li jikkoordinaw l-istituzzjonijiet fil-livell reġjonali, biex b'hekk, f'qafas territorjali predeterminat, il-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi jsiru b'mod uniformi filwaqt li jitnaqqas ukoll l-għadd ta’ korpi pubbliċi li għandhom is-setgħa li jagħmlu sejħa għal servizzi u fornimenti, permezz ta’ proċedura pubblika;

japprova l-għażla tal-Kummissjoni li fil-futur tippreżenta proposta leġislattiva maħsuba biex issaħħaħ il-qafas legali Ewropew fil-qasam tal-konfiska u jirrakkomanda li l-proposta leġislattiva li hemm maħsuba għandha tispeċifika, bi preferenza minn soluzzjonijiet possibbli oħra, il-muniċipalità fejn tinsab il-proprjetà kkonfsikata bħala r-reċipjent tad-dritt ta’ sjieda tagħha;

huwa sodisfatt li hija prevista sħubija mal-Kumitat tar-Reġjuni għall-“ħolqien ta’ netwerk tal-UE dwar is-sensibilizzazzjoni dwar ir-radikalizzazzjoni” ippjanat (għal din is-sena);

jindika l-esiġenza li jkun hemm parteċipazzjoni fil-proċess ta’ reviżjoni tal-istrumenti finanzjarji tas-settur tal-affarijiet interni u tas-sigurtà għas-snin ta’ wara l-2013, kif ukoll li jkun hemm kollaborazzjoni attiva għall-iffurmar tal-istrumenti ta’ finanzjament possibbli.

Relatur

is-Sur VARACALLI (IT/ALDE) Sindku ta’ Gerace (RC)

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura

COM(2010) 673 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

josserva li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, bit-titolu “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni” (1), adottata fl-ambitu tal-programm ta’ Stokkolma 2009 u tal-programm ta’ ħidma ta’ ħames snin għall-ġustizzja u l-affarijiet interni, tinkludi strateġija globali fil-qasam tas-sigurtà interna u tiddefinixxi aġenda ġenwina ta’ erba' snin ta’ attivitajiet;

2.

huwa tal-fehma li t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġija Ewropea għas-sigurtà interna huma sfida li għandha tiġi indirizzata b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet Ewropej, mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u mis-soċjetà ċivili, fir-rispett tad-differenza tar-rwoli u l-kompetenzi;

3.

jenfasizza li l-intervent tal-Kummissjoni qed iseħħ f'mument storiku importanti b'mod partikolari għall-bilanċ tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, b'mod speċjali wara t-tisħiħ, bit-Trattat ta’ Lisbona, tal-kompetenzi tal-Parlament Ewropew, li għalih ġiet konsolidata definizzjoni aktar ċara tar-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet individwali fil-qasam tas-sigurtà interna;

4.

jesprimi ġudizzju globali pożittiv ħafna dwar l-impostazzjoni ġenerali tal-komunikazzjoni li toffri analiżi dettaljata u f'waqtha tal-għadd ta’ problemi Ewropej fil-qasam tas-sigurtà interna, minkejja l-esiġenza tal-qosor minħabba fit-tip ta’ dokument adottat;

5.

madankollu, fl-istess ħin jenfasizza li, bis-saħħa tal-ħidma speċifika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, iċ-ċittadini jgawdu b'mod ġenerali minn livell għoli ta’ sigurtà. Jeħtieġ li dan l-istandard għoli jkompli jiġi żviluppat fil-qafas tad-drittijiet fundamentali garantiti u tal-garanziji li joffri l-Istat tad-dritt. F'dan il-kuntest, huwa partikolarment importanti li titqies il-privatezza tal-individwi. L-Unjoni Ewropea għandha tikkunsidra dawn l-esiġenzi anke meta tikkonkludi ftehimiet ma’ pajjiżi terzi, minħabba l-miżuri ta’ implimentazzjoni li jirriżultaw minnhom;

6.

huwa tal-fehma li b'metodoloġija oġġettivament adegwata u korretta, il-ħames objettivi strateġiċi li ġew identifikati huma akkumpanjati minn azzjonijiet relatati li jistgħu jiġu definiti u mkejla, f'numru konkretament limitat, biex b'hekk ikunu jistgħu jitwettqu aħjar;

7.

jikkonferma l-impenn tiegħu, li diġà ġie dikjarat f'opinjonijiet preċedenti, għal approċċ li jikkoordina l-livelli kollha istituzzjonali f'dan il-qasam, li jibda, ovvjament, mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-entitajiet li b'mod naturali u inevitabbli huma interessati fi kwalunkwe sitwazzjoni kritika fil-qasam tas-sigurtà li tinħoloq f'territorju speċifiku;

8.

jinnota, b'mod partikolari, li l-analiżi tal-kunċett tas-sigurtà qed tieħu dimensjoni sopranazzjonali, fid-dawl tan-natura transkonfinali ta’ għadd ta’ theddidiet għas-sigurtà li tirriżulta mill-inċidenza li qed issir aktar frekwenti f'dawn l-aħħar snin;

9.

fost affarijiet oħra jenfasizza li l-problemi tas-sigurtà fil-pajjiżi individwali ma jistgħux jiġu iżolati minn politika Ewropea tas-sigurtà interna. Din tikkostitwixxi wkoll impetu ta’ koordinament, fir-rispett tal-prerogattivi nazzjonali, tal-attivitajiet fejn l-approċċ sopranazzjonali rriżulta f'effikaċja akbar u aktar adegwata;

10.

għalhekk jispera li l-istrateġija fil-livell tal-UE tkun tista' toffri valur miżjud effettiv b'mod konkret meta mqabbla ma’ inizjattivi ekwivalenti tal-Istati Membri individwali proprju minħabba fin-natura dejjem aktar ta’ spiss transkonfinali tal-fenomenu li jrid jiġi indirizzat;

11.

jenfasizza li, b'mod komplementari għall-attività neċessarjament sopranazzjonali, għandu jiġi promoss ukoll l-intervent minn isfel, riżultat tal-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala r-rappreżentanti tal-komunitajiet li huma l-aktar milquta mill-azzjonijiet kriminali;

12.

madankollu jispeċifika li qabel ma tittieħed kwalunkwe azzjoni b'rabta mal-inizjattivi individwali li jinsabu fl-istrateġija, għandha titwettaq analiżi preliminari tal-qafas legali diġà fis-seħħ u valutazzjoni tal-konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà bis-sehem tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali;

13.

minkejja l-ġudizzju pożittiv tiegħu dwar l-istrateġija globali, jiġbed l-attenzjoni li fil-preżent ma jidhirx li hija akkumpanjata, b'mod ġenerali, minn valutazzjoni tal-impatt tal-azzjonijiet previsti. Għalhekk hemm bżonn li jsir provvediment għal din il-valutazzjoni, li tinkludi l-konsultazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-Kumitat tar-Reġjuni juri l-akbar disponibbiltà biex jikkoopera fil-fażi ta’ tħejjija;

14.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li fit-twettiq tal-miżuri previsti, l-esiġenza ta’ salvagwardja għas-sigurtà interna u s-sigurtà taċ-ċittadini, b'attenzjoni speċjali għall-ħarsien tal-privatezza, timxi pass pass mal-esiġenza parallela li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u jissaħħu d-drittijiet tal-indagati/imputati waqt il-proċess, fil-qafas tal-garanzija tad-dritt għal proċess ġust, mhux l-anqas b'attenzjoni għad-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-adeżjoni li jmiss tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li jfisser li l-istituzzjonijiet Ewropej ser jaqgħu wkoll taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Ewropea fi Strasburgu;

15.

għaldaqstant jenfasizza li, biex tittejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, hu lest li jkompli jikkollabora mal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali (FRA), u li jgħin b'mod partikolari lill-awtoritajiet lokali u reġjonal jistabbilixxu bilanċ ġust, li mhu xejn faċli, bejn it-titjib tas-sigurtà, il-privatezza tal-individwi u r-rispett għad-drittijiet fundamentali individwali u kollettivi fit-twettiq tal-istrateġija;

16.

għandu riżervi kbar rigward l-enfasi li l-Kummissjoni tpoġġi fuq “industrija solida tas-sigurtà tal-UE” fil-Komunikazzjoni tagħha. Għal kuntrarju, ta’ min wieħed jisħaq fuq il-monopolju tal-Istat fir-rigward tal-vjolenza. Permezz ta’ sistema pubblika effettiva ta’ awtorizzazzjoni u kontroll, jeħtieġ li jiġi żgurat ir-rispett kontinwu mhux biss tal-prinċipji legali li jirregolaw il-ġestjoni tal-impriżi privati tas-sigurtà iżda wkoll tal-garanziji l-oħra, b'mod speċjali fil-qasam tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini. Barra minn hekk, għandu jiġi evitat li wieħed juża r-rikors lejn l-impriżi privati biex jaħrab mir-regoli tal-Istat tad-dritt;

17.

jenfasizza li l-objettivi u l-azzjonijiet kollha miġbura fil-komunikazzjoni, minkejja li fil-ġabra tagħhom jippreżentaw aspetti ta’ interess kbir għall-awtoritajiet reġjonali u lokali, jidher li ċerti aspetti huma aktar ta’ interess dirett;

Approċċ amministrattiv

18.

jemmen li rigward tal-Objettiv 1, tidher li hija partikolarment rilevanti għall-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali l-Azzjoni 2 (Il-protezzjoni tal-ekonomija kontra l-infiltrazzjoni kriminali), fejn ir-referenza f'waqtha għal politiki li jimpennjaw lill-“korpi governattivi u regolatorji responsabbli mill-għoti tal-liċenzji, l-awtorizzazzjonijiet, il-kuntratti tal-akkwisti jew is-sussidji (‘l-approċċ amministrattiv’)” tissemma b'mod prominenti ħafna;

19.

f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza ta’ għajnuna prattika mill-Kummissjoni għall-Istati Membri billi twaqqaf “netwerk ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali biex jiġu żviluppati l-aħjar prattiki” kif ukoll jingħata sostenn “lil proġetti pilota dwar kwistjonijiet prattiċi”; iqis li l-involviment dirett, b'mod formali u integrat, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'dawn l-inizjattivi huwa assolutament indispensabbli u josserva li l-proċessi effettivi ta’ żieda fis-sigurtà għandhom jinkludu wkoll il-kontrolli kontinwi u rigorużi, fit-territorji nnifishom, ta’ kif jintużaw il-fondi pubbliċi, peress li dawn minn dejjem jiġbdu lejhom l-attenzjoni tal-kriminalità organizzata;

20.

b'attenzjoni partikolari għall-kwistjoni delikata tal-kuntratti tal-akkwist pubbliku u tas-sussidji, jipproponi li l-UE tippromovi wkoll il-possibbiltà li jitwaqqfu awtoritajiet kuntrattwali ċentrali, li jikkoordinaw l-istituzzjonijiet fil-livell reġjonali, filwaqt li jiżviluppa aktar, u b'mod aktar effikaċi, il-ħolqien tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali. B'hekk, f'qafas territorjali predeterminat, il-proċeduri tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi jsiru b'mod uniformi filwaqt li jitnaqqas ukoll l-għadd ta’ korpi pubbliċi li għandhom is-setgħa li jagħmlu sejħa għal servizzi u fornimenti, permezz ta’ proċedura pubblika (2);

Il-konfiska tal-assi

21.

barra minn hekk huwa tal-fehma, dejjem fir-rigward tal-miżuri relatati mal-Objettiv 1, li l-azzjoni suċċessiva 3, relatata mal-konfiska tal-assi ta’ oriġini kriminali, pilastru inkontestabbli u ta’ natura trasversali assoluta fil-ġlieda kontra l-forom kollha tal-kriminalità, għadha rilevanti sew għat-tema tas-sigurtà interna Ewropea peress li huwa pruvat bla ebda dubju li l-konfiska effettiva tal-assi ta’ oriġini kriminali x'aktarx tirrappreżenta l-aktar miżura dissważiva effikaċi fil-ġabra ta’ strumenti li jintużaw kontra l-kriminalità;

22.

japprova, f'dan ir-rigward, l-għażla tal-Kummissjoni li fil-futur tippreżenta proposta leġislattiva maħsuba biex issaħħaħ il-qafas legali Ewropew fil-qasam tal-konfiska. F'dan il-kuntest jidhru partikolarment sinifikanti d-dispożizzjonijiet speċifiċi maħsuba għall-iżvilupp ta’ dan l-istrument, b'mod speċjali dawk li jikkonċernaw il-konfiska tal-assi ta’ terzi, il-poteri miżjuda għall-konfiska, u r-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri tad-deċiżjonijiet għal konfiska mhux ibbażati fuq kundanna. Iż-żieda soġġettiva u oġġettiva fil-poteri tal-amministrazzjonijiet pubbliċi f'dan il-qasam, permezz ta’ raffinar tal-proċeduri applikabbli, mingħajr l-ebda dubju tippermetti ġlieda aktar effikaċi u konkreta kontra l-assi ta’ oriġini kriminali, billi tagħti koerenza reali lill-ġabra ta’ miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet;

23.

madankollu, jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ konfiska dwar il-qagħda tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni qafas 2006/783/GAI tal-Kunsill (3), il-grad ta’ traspożizzjoni fil-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri mhuwiex sodisfaċenti skont il-Kummissjoni, b'mod speċjali meta wieħed jikkunsidra li sal-aħħar ta’ Frar 2010, jiġifieri ħmistax-il xahar wara li skadiet l-iskadenza stabbilita, 13-il Stat Membru biss kienu wettqu t-traspożizzjoni (4);

24.

f'dan ir-rigward jaqbel mal-appell li sar mill-Kummissjoni lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw din id-deċiżjoni;

25.

jappoġġja l-iskeda għall-inizjattivi li l-Kummissjoni tipproponi li tniedi fil-qasam tal-konfiska u jikkunsidra li l-perjodu ta’ żmien propost ta’ erba' snin (mis-sena attwali sal-2014) huwa perjodu ta’ referenza adegwat għall-implimentazzjoni tal-programm;

26.

b'attenzjoni speċifika għall-inizjattiva ta’ twaqqif ta’ “Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi”, iqis li huwa assolutament essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu partijiet interessati attivi fuq il-bażi ta’ prinċipji u kriterji uniformi li jridu jiġu stabbiliti fil-livell Ewropew, mill-bidu nett tat-twaqqif ta’ dawn il-korpi, permezz tal-parteċipazzjoni formali tar-rappreżentanti tagħhom fit-twaqqif tagħhom kemm fil-livell politiku kif ukoll dak operattiv;

27.

barra minn hekk jemmen bis-sħiħ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom skop biżżejjed biex jipparteċipaw fiż-żewġ flussi ta’ informazzjoni ssuġġeriti mill-Kummissjoni għall-2013, jiġifieri l-iżvilupp ta’ “indikaturi komuni” għall-valutazzjoni tal-funzjonament u tar-riżultati tal-uffiċċji, u t-twaqqif ta’ “gwida dwar l-aħjar prattiki” sabiex jiġi evitat li gruppi kriminali jerġgħu jiksbu l-oġġetti kkonfiskati: il-Kumitat iqis li huwa meħtieġ li l-istituzzjonijiet lokali jkunu involuti fiż-żewġ inizjattivi permezz ta’ sħubija formali mill-bidu nett tat-tnedija tagħhom;

28.

jirrakkomanda li l-proposta leġislattiva li hemm maħsuba għandha tispeċifika, bi preferenza minn soluzzjonijiet possibbli oħra, il-muniċipalità fejn tinsab il-proprjetà kkonfsikata bħala r-reċipjent tad-dritt ta’ sjieda tagħha sabiex jiġi stabbilit punt tat-tluq istituzzjonali sod għall-fażi sussegwenti ta’ użu mill-ġdid tal-proprjetà. Il-Kumitat jirrakkomanda li dan għandu jkun ta’ skop soċjalment utli, bħalma huwa l-għoti lill-assoċjazzjonijiet u kooperattivi, mhux l-anqas minħabba l-fatt li l-komunitajiet lokali jħallsu l-ogħla prezz tal-attivitajiet tal-kriminalità organizzata u l-użu mill-ġdid ta’ proprjetà kkonfiskata f'oqsma soċjali għandu valur għoli f'termini ta’ kumpens għall-komunitajiet affettwati minn din il-kwistjoni serja; jisħaq fuq is-siwi ta’ bażi legali soda għat-trattament li jingħata lill-assi konfiskati, u jenfasizza li jekk jittieħdu aktar miżuri biex il-qafas leġislattiv fis-seħħ jissaħħaħ u jinbidel, ikun opportun li jitqies ukoll il-fatt li l-komunitajiet lokali jiġu affettwati serjament, fost affarijiet oħra, mill-attivitajiet tal-kriminalità organizzata;

29.

madankollu jenfasizza li għal kull proprjetà kkonfiskata li ser tintuża mill-ġdid huwa meħtieġ ukoll li r-riżorsi jkunu disponibbli biex il-proprjetà tkun utilizzabbli fil-prattika peress li ħafna drabi dawn jintelqu u ma jibqgħux tajbin għall-użu;

Radikalizzazzjoni u reklutaġġ

30.

jilqa' b'sodisfazzjon, b'referenza għall-Objettiv 2 (Il-prevenzjoni tat-terroriżmu u l-indirizzar tar-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ), il-fatt li l-Azzjoni 1 (Il-komunitajiet jingħataw il-mezzi biex iwaqqfu r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ) diġà tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, li l-prevenzjoni “Tirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali”. Għal din ir-raġuni, l-interazzjoni diretta mal-awtoritajiet lokali u reġjonali titqies b'mod adegwat fil-komunikazzjoni;

31.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu kkunsidrati r-riskji speċifiċi fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali kkawżat minn ċerti miżuri meħuda, u b'mod speċjali miżuri maħsuba għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

32.

għaldaqstant huwa sodisfatt li, b'konsegwenza ta’ dan, hija prevista sħubija mal-Kumitat tar-Reġjuni għall-“ħolqien ta’ netwerk tal-UE dwar is-sensibilizzazzjoni dwar ir-radikalizzazzjoni” ippjanat (għal din is-sena), li jista' jgħin għall-iskambju ta’ esperjenzi, għarfien u prattiki tajba għas-sensibilizzazzjoni dwar ir-risku tar-radikalizzazzjoni u għall-iżvilupp ta’ tekniki ta’ komunikazzjoni għall-ġlieda kontra r-retorika tal-gruppi terroristiċi;

33.

jenfasizza li l-istruttura tan-netwerk kif proposta, bil-preżenza ta’ għadd ta’ persunaġġi involuti b'diversi modi fil-ġlieda kontra l-kriminalità, ser tifforma bażi eċċellenti għall-kooperazzjoni prattika u sostenibbli bejn il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea, u ser tkun forum permanenti u informali għall-partijiet interessati, fejn dawn ikunu jistgħu jressqu l-ideat tagħhom sabiex jistimolaw id-dibattitu strateġiku u bħala bażi fejn jiġu ttestjati l-proġetti pilota;

34.

għaldaqstant, jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa attivament fit-tnedija tal-forums online u konferenzi proposti fl-UE, u jenfasizza l-ħtieġa sabiex is-sħubija tiġi attwata malajr permezz ta’ kuntatti immedjati bejn l-istrutturi rilevanti fi ħdan il-Kumitat u l-Kummissjoni;

35.

barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tniedi kuntatti simili ħalli testendi s-sħubija għall-organizzazzjoni tal-konferenza ministerjali ppjanata għall-2012 u għall-abbozzar ta’ manwal ta’ azzjonijiet u esperjenzi li jkunu utli bħala appoġġ għall-attivitajiet tal-Istati Membri: is-sħubija li tirriżulta tkun tista' sservi biex jiġi stabbilit sett aktar organiku ta’ inizjattivi konġunti li jkunu jistgħu jgħinu biex il-pubbliku Ewropew jingħata perċezzjoni preċiża tal-impenn qawwi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fi kwistjoni ta’ rilevanza daqshekk kbira fil-mument attwali;

36.

joffri l-appoġġ u l-kooperazzjoni tiegħu għall-identifikazzjoni tal-infrastrutturi ta’ importanza primarja fil-qafas tal-prevenzjoni tal-attakki terroristiċi;

Trasport

37.

dejjem b'referenza għall-Objettiv 2, juri interess kbir fl-Azzjoni 3 (Il-protezzjoni tat-trasport) li fil-kuntest tagħha, barra milli jilqa' l-iżvilupp ulterjuri tas-sistema tal-UE għas-sigurtà tal-avjazzjoni u marittima, jappoġġja l-pjani għal approċċ Ewropew aktar attiv għat-trasport bl-art;

38.

għaldaqstant, b'referenza kemm għat-trasport ferrovjarju lokali u reġjonali kif ukoll għal dak ferrovjarju ta’ veloċità qawwija, jappoġġja l-proposta f'waqtha li jitwaqqaf kumitat permanenti dwar is-sigurtà tat-trasport bl-art. Fir-rigward tal-komposizzjoni ta’ dan il-kumitat, huwa jirrakkomanda bħala ħtieġa operattivi l-preżenza formali, f'miżura adegwata (u għaldaqstant flessibbli, skont il-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu kkunsidrati) ta’ rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

39.

huwa tal-fehma li hija ħaġa ovvja b'mod indiskuttibbli li l-bosta problemi tas-sigurtà – li huma wkoll magħrufa sewwa – marbuta mat-trasport ferrovjarju għandhom impatt kbir ħafna fuq id-drittijiet tal-komunitajiet lokali għall-mobbiltà. Għal din ir-raġuni, is-sehem dirett tar-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet lokali fi ħdan korpi Ewropej li qed jaħdmu f'dan il-qasam huwa assolutament neċessarju;

40.

jagħmel referenza għall-bosta opinjonijiet negattivi dwar l-użu tad-data fir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) tal-ajru, u jħeġġeġ li din tiġi kkunsidrata meta jinħoloq, kif inhu mħabbar, att legali dwar il-ġbir tad-data dwar il-passiġġieri tal-ajru;

Kriminalità tal-informatika

41.

fuq kollox jixtieq li, b'referenza għall-azzjonijiet inklużi fl-Objettiv 3 (Intellgħu il-livelli ta’ sigurtà għaċ-ċittadini u n-negozji fiċ-ċiberspazju), jassumi rwol rilevanti fis-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku u n-negozju lokali tal-ħtieġa dejjem ikbar li jiġu miġġielda t-theddida dejjem tikber u l-attakki kontra s-sistemi ta’ informazzjoni, fid-dawl ukoll tal-metodi ġodda użati biex jitwettqu reati ta’ din in-natura;

42.

jesprimi appoġġ għall-impenn qawwi li joħroġ mill-komunikazzjoni biex jindirizza l-problema, b'attenzjoni fuq il-kwistjoni fundamentali tas-sigurtà tan-netwerks tal-kompjuter bħala prerekwiżit essenzjali għall-funzjonament tas-soċjetà tal-informazzjoni. Dawn in-netwerks tal-kompjuter huma kkonċentrati l-iktar fiż-żoni urbani u n-nodi tagħhom jinsabu wkoll fl-istess żoni. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex, b'kooperazzjoni mal-gvernijiet deċentralizzati, tipproponi politika ta’ appoġġ għall-ħarsien u l-ġestjoni tan-nodi tan-netwerks tal-kompjuters fiż-żoni urbani;

43.

jemmen li jista' jikkoopera fil-miżuri proposti sabiex tingħata spinta 'l quddiem lill-kapaċità tal-Ewropa biex tittratta l-problema, u jinnota l-importanza tal-ħolqien sal-2013, fl-ambitu tal-istrutturi eżistenti, ta’ ċentru taċ-ċiberkriminalità b'kuntatt mill-qrib mal-istituzzjonijiet Ewropej, bħas-CEPOL, l-Europol u l-Eurojust. Il-Kumitat ikun jista' jikkontribwixxi wkoll għall-istudju ta’ fattibbiltà dwar dan iċ-ċentru;

44.

jiġbed l-attenzjoni li huwa meħtieġ ukoll li jitjiebu l-kompetenzi lokali f'dan il-qasam u li jkun utli wkoll investiment adegwat f'miżuri ta’ taħriġ fil-livell ta’ awtoritajiet lokali;

Ġestjoni tal-fruntieri

45.

jenfasizza l-importanza, fir-rigward tal-Objettiv 4 (It-tisħiħ tas-sigurtà permezz ta’ mmaniġġjar tal-fruntieri), l-ewwel nett tar-referenza ċara fil-komunikazzjoni għall-“ispirtu ta’ solidarjetà” u l-“iskambju ta’ responsabbiltà” (Artikolu 80 TFUE), prinċipji li huma essenzjali għal approċċ effettiv għall-problema, u jixtieq ukoll li dawn il-prinċipji jissarrfu f'miżuri konkreti li jipprovdu appoġġ lill-Istati Membri u t-territorji tagħhom li huma esposti l-iżjed għall-problema;

46.

jesprimi wkoll, f'termini wiesa', esiġenza qawwija li sakemm possibbli, jiġi żgurat bilanċ bejn, minn naħa, il-ħtieġa indiskutibbli li jissaħħu l-mekkaniżmi għall-ġlieda kontra l-problemi eżistenti, li dan l-aħħar qed jiggravaw, u min-naħa l-oħra, l-esiġenza parallela li nħarsu, b'mod adegwat, il-proċessi ta’ kooperazzjoni transkonfinali mal-imsieħba barra l-Unjoni: fid-dawl tal-komplementarjetajiet taż-żewġ esiġenzi, il-Kumitat jimpenja ruħu li jappoġġja kull attività li tikkontribwixxi għaż-żieda fil-livell tat-twettiq tat-tnejn li huma;

47.

fir-rigward tad-dimensjoni soċjali tal-migrazzjoni li qiegħda dejjem tikber, jenfasizza l-ħtieġa urġenti li, bi qbil mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, tinħoloq politika Ewropea dwar l-asil u l-immigrazzjoni msejsa fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, is-solidarjetà u r-responsabbiltà; b'mod partikolari, jeħtieġ li tiġi enfasizzata l-privatezza tal-individwi li jiċċaqalqu bejn il-fruntieri. Iżda, hemm bżonn nenfasizzaw ukoll l-importanza li għadd ikbar ta’ pajjiżi jitħeġġu jilqgħu fi ħdanhom għadd ikbar ta’ persuni bil-għan li tiġi affrontata l-isfida demografika li jġibu magħhom it-tnaqqis fil-popolazzjoni u l-forza tax-xogħol fl-Ewropa;

48.

juri, b'riferiment ġenerali għall-pakkett tal-miżuri proposti dwar il-moviment tal-persuni, li dawn jissodisfaw kriterju integrat mixtieq għal azzjoni peress li dawn għandhom l-għan li jżidu l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda għall-kontrolli tal-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri (is-sistema Eurosur, li dwarha l-komunikazzjoni, ġustament tirreferi, fost oħrajn għall proposta leġislattiva speċifika ppjanata għal dis-sena) u jżidu l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tal-Frontex, li għaliha l-komunikazzjoni tipprovdi għal azzjoni speċifika għaż-żieda fil-kapaċità tal-ġestjoni tal-informazzjoni;

49.

jenfasizza li anke l-miżuri l-ġodda fil-qafas tas-sigurtà fil-fruntieri (pereżempju l-body scanners) għandhom ikunu adegwati u adatti għall-ksib tar-riżultat mixtieq, u għandhom jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali ta’ dawk ikkonċernati, speċjalment rigward l-aspett tad-dinjità tal-bniedem, tal-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dritt għal-moviment liberu, meta jkunu qed isiru l-kontrolli fuq in-nies. Fil-kuntest tal-aktar avvenimenti reċenti, jilqa' l-inizjattiva li ssir analiżi tar-riskju tal-merkanzija kollha. Dawn il-miżuri għandhom jitfasslu b'tali mod li l-possibbiltajiet tekniċi tal-kontroll, li huma limitati, ikunu jistgħu jintużaw b'mod immirat f'kull każ, b'mod li jiġi garantit it-trasport rapidu tal-oġġetti, billi dan hu importanti għall-ekonomija;

Kriżijiet u diżastri

50.

huwa impenjat, fir-rigward tal-Objettiv 5 (Iż-żieda tar-reżiljenza tal-Ewropa għall-kriżijiet u d-diżastri), li jappoġġja kwalunkwe inizjattiva ta’ rispons Ewropew għall-kriżijiet u d-diżastri, u huwa tal-fehma li jista' jagħti kontribut sinifikanti minħabba l-kapaċitajiet u l-esperjenza li għandhom, min-natura tagħhom, l-istituzzjonijiet lokali li huwa jirrappreżenta, kemm fl-istadju ta’ valutazzjoni tar-riskju jew theddida, fl-aspetti organizzattivi, fl-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, kif ukoll fil-fażi operattiva ta’ ttrattar ta’ emerġenzi, hekk kif previst fil-komunikazzjoni;

51.

f'dan il-kuntest, jenfasizza wkoll li hu lest jikkoopera fit-titjib tal-koordinazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, l-aktar fil-livell lokali, reġjonali u transkonfinali, fil-qasam tas-sigurtà tar-reatturi u l-ħarsien tal-popolazzjoni mit-theddid radjuattiv;

Mezzi finanzjarji

52.

bħala konklużjoni huwa tal-fehma li, għar-raġunijiet elenkati hawn fuq, huwa essenzjali li l-parteċipazzjoni indispensabbli tiegħu fil-proċess tat-titjib tas-sigurtà interna tal-Ewropa għandha tmur id f'id mal-adattament tal-kapaċitajiet u l-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Għalhekk jeħtieġ li jsir investiment f'riċerki ġodda u fiil-kamp tal-innovazzjonijiet f'oqsma bħaċ-ċibersigurtà, il-forensika, il-protezzjoni tal-infrastruttura kruċjali u s-sigurtà urbana u li l-Kummissjoni Ewropea tippromovi dan l-investiment. B'hekk, jistgħu jiġu indirizzati problemi dejjem aktar speċifiċi u kumplessi;

53.

fl-istess waqt jindika l-esiġenza li jkun hemm parteċipazzjoni fil-proċess ta’ reviżjoni tal-istrumenti finanzjarji tas-settur tal-affarijiet interni u tas-sigurtà għas-snin ta’ wara l-2013, kif ukoll li jkun hemm kollaborazzjoni attiva għall-iffurmar tal-istrumenti ta’ finanzjament possibbli, b'mod li, minħabba l-esperjenza li mmaturat fil-prattika tal-istituzzjonijiet lokali, jikkontribwixxu għall-garanzija ta’ previżjoni ta’ allokazzjoni razzjonali u effiċjenti tar-riżorsi.

Brussell, l-1 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  COM(2010) 673 finali.

(2)  Ara l-mudell taċ-ċentralizzazzjoni tal-awtorità li tagħti kuntratti pubbliċi stabbilita mil-liġi Taljana riċenti nru. 136 tat-13.8.2010 (“Piano straordinario contro le mafie. Misure di contrasto nel settore degli appalti” – Pjan estensiv kontra l-mafja. Kontromiżuri fil-qasam tal-akkwisti pubbliċi; Parti v. Artikolu 13), li, fost affarijiet oħra, jipprevedu l-qbil tal-Konferenza Konġunta (li tħaddan rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali) meta jkunu qed jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-leġislazzjoni (ara l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 imsemmi hawn fuq).

(3)  Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6.10.2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska, ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59–78.

(4)  COM(2010) 428 finali, rapport mill-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6.10.2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska.