ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.248.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 248

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
25 ta' Awwissu 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-472 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011

2011/C 248/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol u l-prijoritajiet tal-politika ta’ koeżjoni fl-Istrateġija UE 2020 (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

1

2011/C 248/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Strateġiji għall-konsolidazzjoni intelliġenti tal-politika baġitarja — l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

8

2011/C 248/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-tisħiħ tal-awtonomija soċjali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini tar-Roma fl-Ewropa (opinjoni esploratorja)

16

2011/C 248/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Kif il-politiki tal-UE affettwaw l-opportunitajiet ta’ xogħol, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport (Opinjoni esploratorja)

22

2011/C 248/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-iżvilupp sostenibbli tal-politika u l-ippjanar tat-trasport tal-UE għat-TEN-T (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza li jmiss tal-Polonja)

31

2011/C 248/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għas-Sħubija tal-Lvant

37

2011/C 248/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-integrazzjoni tal-politika tal-ilma fil-politiki Ewropej l-oħra (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

43

2011/C 248/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol u r-relazzjoni tal-UE mal-Asja Ċentrali u l-kontribut tas-soċjetà ċivili

49

2011/C 248/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Mercosur: il-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata

55

2011/C 248/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Id-djalogu interkulturali u r-Roma: ir-rwol ewlieni tan-nisa u tat-trobbija u l-edukazzjoni (opinjoni addizzjonali)

60

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

 

L-472 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011

2011/C 248/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-Tassazzjoni tas-Settur FinanzjarjuCOM(2010) 549 finali

64

2011/C 248/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoniCOM(2010) 642 finali

68

2011/C 248/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Parlamenti Nazzjonali: ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE COM(2010) 700 finali

75

2011/C 248/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-DanubjuCOM(2010) 715 finali

81

2011/C 248/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni EwropeaCOM(2010) 543 finali

87

2011/C 248/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Green Paper — Politika tal-Awditjar: lezzjonijiet mill-KriżiCOM(2010) 561 finali

92

2011/C 248/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew — Qafas tal-UE għall-Immaniġjar tal-Kriżijiet fis-Settur FinanzjarjuCOM(2010) 579 finali

101

2011/C 248/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarjiCOM(2010) 716 finali

108

2011/C 248/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper — Inqas proċeduri amministrattivi għaċ-ċittadini: Il-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi u r-rikonoxximent tal-effetti ta’ atti ta’ stat ċiviliCOM(2010) 747 finali

113

2011/C 248/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 89/666/KEE, 2005/56/KE u 2009/101/KE fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpanijiCOM(2011) 79 finali – 2011/0038 (COD)

118

2011/C 248/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni EwropeaCOM(2010) 609 finali

123

2011/C 248/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjaliCOM(2010) 758 finali

130

2011/C 248/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Komunikazzjoni dwar il-migrazzjoniCOM(2011) 248 finali

135

2011/C 248/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużiCOM(2010) 781finali – 2010/0377 (COD)

138

2011/C 248/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema Ewropea fl-era diġitaliCOM(2010) 487 finali

144

2011/C 248/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku ĠeneraliCOM(2011) 146 finali

149

2011/C 248/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrigwarda t-tajers ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom kif ukoll it-twaħħil tagħhom (Kodifikazzjoni)COM(2011) 120 finali – 2011/0053 (COD)

153

2011/C 248/28

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (Kodifikazzjoni)COM(2011)189 finali – 2011/0080 COD

154

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-472 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011

25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol u l-prijoritajiet tal-politika ta’ koeżjoni fl-Istrateġija UE 2020” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

2011/C 248/01

Relatur: is-Sur BARÁTH

Fil-15 ta’ Novembru 2010, is-Sur Péter GYÖRKÖS, rappreżentant permanenti tar-Repubblika Ungeriża lill-Unjoni Ewropea, f'isem il-Presidenza Ungeriża futura tal-Kunsill, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar

Ir-rwol u l-prijoritajiet tal-politiki ta’ koeżjoni fil-qafas tal-Istrateġija UE 2020

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'141 vot favur, 9 voti kontra u 22 astensjoni.

1.   Rakkomandazzjonijiet u osservazzjonijiet

1.1   Rakkomandazzjonijiet

1.1.1   Fil-fehma tal-KESE, ir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-kriżi u l-filosofija wara l-Istrateġija Ewropa 2020, flimkien mal-għanijiet tagħha u l-inizjattivi ewlenin qed jiddefinixxu t-triq adatta u l-miżuri li ttieħdu u l-istrumenti proposti huma promettenti. L-Istrateġija – flimkien mal-Patt Euro Plus - tiffoka fuq il-bidliet kwalitattivi assolutament meħtieġa u l-elementi tat-tkabbir potenzjali.

1.1.2   L-UE qed tkompli taħdem biex tapprofondixxi u tikkonsolida l-integrazzjoni tagħha. Il-KESE huwa tal-fehma li jekk l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jixtiequ jsaħħu l-integrazzjoni, sal-2020 għandhom jintroduċu bidliet deċiżivi, l-iktar rigward il-kwalità tal-istituzzjonijiet u s-sistemi legali u finanzjarji tagħhom. Dan kollu jirrikjedi stabbiltà sostenibbli (fit-tul), kompetittività (il-potenzjal tat-tkabbir) u koeżjoni (ekonomika, soċjali u territorjali) simultanjament.

1.1.3   F'bosta Opinjonijiet, il-KESE enfasizza li l-politika ta’ koeżjoni territorjali hija “valur storiku tal-UE”, u t-tliet objettivi tagħha - il-konverġenza, it-titjib tal-kompetittività reġjonali bil-ħolqien tal-impjiegi, u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni territorjali, għandhom jinżammu u jissaħħu. Fil-fatt, il-pajjiżi u r-reġjuni Ewropej inqas żviluppati għandhom bżonn iżidu l-investiment fl-infrastruttura u kapital ieħor li huwa meħtieġ biex iħaffef it-tkabbir potenzjali.

1.1.4   Filwaqt li l-KESE jinsab konvint li r-riżorsi finanzjarji destinati għall-appoġġ tal-politika ta’ koeżjoni fil-parti l-kbira wasslu għal riżultati tajbin, madankollu jqis ukoll li l-fondi jistgħu u għandhom jiġu trasformati u żviluppati iktar u li b'mod speċjali l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom jistgħu jittejbu. L-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni għandhom jiġu armonizzati mal-Istrateġija Ewropa 2020 b'tali mod li ma ssirx ħsara lill-politika Ewropea ta’ koeżjoni.

1.1.5   Il-KESE jirrakkomanda li fil-qafas tal-valutazzjoni tal-għanijiet u l-istrumenti attwali tal-politika ta’ koeżjoni, tiġi studjata l-possibbiltà li jiġu adattati għall-elementi tal-Istrateġija Ewropa 2020, kif ġej:

1.1.5.1   L-għanijiet u l-istrumenti attwali tal-politika ta’ koeżjoni

Il-politika ta’ koeżjoni

Objettivi

Fondi strutturali u strumenti

 

 

Konverġenza / tkabbir sostenibbli

FAEŻR

FSE

Fondi ta’ koeżjoni

 

 

 

 

Kompetittività reġjonali u impjieg

FAEŻR

FSE

 

 

 

 

 

Kooperazzjomi Territorjali Ewropea

FAEŻR

 

 

1.1.5.2   Ewropa 2020: 3 prijoritajiet relatati

a)

Tkabbir intelliġenti: l-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien u l-innovazzjoni;

b)

Tkabbir sostenibbli: il-promozzjoni ta’ ekonomija iktar effiċjenti, iktar ekoloġika u iktar kompetittiva;

c)

Tkabbir inklużiv: it-tħeġġiġ ta’ ekonomija b'rata għolja ta’ impjieg li twassal għall-koeżjoni soċjali u territorjali.

1.1.5.3   Il-KESE jipproponi li l-politika ta’ koeżjoni għandha tenfasizza b'mod ċar l-għanijiet soċjetali, soċjali u solidali, u l-użu tal-Fondi Strutturali għall-investiment, b'rabta stretta ma’ fondi Ewropej oħrajn. Fin-nuqqas ta’ dan, l-orjentazzjoni tal-Ewropa 2020 lejn it-tkabbir ekonomiku, li fih innifsu huwa perfettament aċċettabbli, tista' tnaqqas l-importanza tal-koeżjoni soċjali u territorjali.

1.1.5.4   Kieku kellha tinbidel l-ordni tal-għanijiet marbuta mal-kompetittività u t-tkabbir tal-Fondi Strutturali, u kieku l-kunċett tal-“Fondi Multipli” kellu jitħalla jsir il-fattur dominanti, kieku l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-istrateġija tal-koeżjoni kienu jsiru relattivament kompatibbli, u l-Fondi Strutturali tal-UE kienu jikkontribwixxu b'mod iktar effettiv għat-tisħiħ tal-kompetittività reġjonali.

Strateġija Ewropa 2020

Politika ta’ koeżjoni

(struttura riformata)

Għanijiet/strumenti

Inizjattivi ewlenin

Għanijiet/strumenti

Fondi Strutturali u strumenti

 

 

 

 

Tkabbir intelliġenti

Aġenda diġitali għall-Ewropa, Unjoni tal-innovazzjoni, Żgħażagħ attivi

Kompetittività reġjonali u impjieg

 

 

 

Riċerka/innovazzjoni, Edukazzjoni, Soċjetà Diġitali

Kompetittività akbar/ titjib fl-attraenza tal-post, żvilupp tal-kapital uman / edukazzjoni, eċċ., Innovazzjoni / soċjetà bbażata fuq l-għarfien

It-tkabbir sostenibbli

Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza, Politika industrijali integrata għall-era tal-globalizzazzjoni

Konverġenza

 

 

 

Enerġiji ekoloġiċi / soċjetà li tieħu ħsieb l-ambjent, żvilupp tan-netwerks / intrapriżi żgħar

Żvilupp ta’ ambjent u infrastruttura li jiġġeneraw it-tkabbir, żvilupp tal-kapaċitajiet istituzzjonali

Tkabbir inklużiv

Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi, Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar

Kooperazzjoni Territorjali Ewropea

 

 

 

Ugwaljanza fl-aċċess/iktar impjiegi u impjiegi aħjar

Kooperazzjoni lokali, reġjonali u makroreġjonali

1.1.6   Il-KESE jagħraf li l-armonizzazzjoni strutturali proposta hawn fuq teħtieġ li jsiru bidliet radikali, b'enfasi fuq id-definizzjoni ta’ għanijiet dettaljati: fost oħrajn għandhom jiġu stabbiliti għanijiet komplementari għall-kompetittività u li l-kooperazzjoni territorjali tiġi estiża biex tinkludi appoġġ għall-iżviluppi makroreġjonali. Jekk m'hemm l-ebda possibbiltà li jinħolqu rabtiet diretti bejn l-UE 2020 u l-politika ta’ koeżjoni tal-UE, l-għanijiet u r-riżorsi tagħhom kif ukoll l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-politiki jistgħu jonqsu b'mod konsiderevoli.

1.1.7   Armonizzazzjoni strutturali ta’ din it-tip tista' tiġri kieku l-koeżjoni u l-politika ta’ koeżjoni, fis-sens ġenerali, kellhom jiġu rikonoxxuti mill-UE bħala prijorità ugwali għall-kompetittività. Dan kien ikollu jiġi rifless fl-identifikazzjoni tar-riżors għal dawn iż-żewġ prijoritajiet. Fl-istess ħin, din mhijiex sempliċiment kwistjoni li jitkompla l-infiq fil-koeżjoni fil-futur, iżda li fondi jintefqu b'mod iktar effettiv.

1.1.7.1   Il-KESE jappella b'mod urġenti għal titjib fil-proposti għall-kundizzjonalità ex-ante u ex-post għall-kontroll tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni. Iżda din is-sistema m'għandhiex tfixkel is-semplifikazzjoni tal-istrumenti kollha tal-koeżjoni; għall-kuntrarju, għandha tnaqqas l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u ttejjeb il-previżjoni. Il-KESE jittama li l-bidliet istituzzjonali u amministrattivi ser iġibu magħhom sistema iktar sempliċi u effiċjenti. Għandu jiġi żviluppat mudell li jippermetti l-valutazzjoni tal-interazzjonijiet li jintużaw fit-twettiq tal-għanijiet tal-Istrateġija UE2020, il-programmi nazzjonali ta’ riforma u l-politika ta’ koeżjoni skont l-ispeċifiċitajiet tad-diversi pajjiżi u reġjuni li jibbenefikaw mill-politika ta’ koeżjoni.

1.1.8   Il-KESE jaqbel li kull politika tal-UE għandha tikkontribwixxi għas-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020. Ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE tiddeskrivi approċċ ġdid għall-programm strateġiku tal-politika ta’ koeżjoni. Il-KESE jaqbel għalkollox li l-Kummissjoni għandha tħejji qafas strateġiku komuni (common strategic framework, CSF), li jsarraf il-miri u l-għanijiet tal-Ewropa 2020 fi prijoritajiet ta’ investiment. Dan il-qafas ikopri l-fondi kollha tal-UE u barra minn hekk jintegra l-istrumenti kollha finanzjarji tal-UE.

1.1.9   Kif diġà stqarr il-KESE f'Opinjonijiet preċedenti, il-Fond Soċjali Ewropew - bħala strument tal-UE għall-investiment fir-riżorsi umani, għandu jappoġġja t-tliet prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 jiġifieri t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-impjieg, it-taħriġ u l-edukazzjoni, l-inklużjoni attiva u l-politiki tal-opportunitajiet indaqs huma kollha elementi kruċjali.

1.1.10   Il-KESE jqis li t-twettiq tal-għanijiet msaħħa jeħtieġ li tiġi konsolidata l-istruttura istituzzjonali tal-FSE u li tittejjeb l-effikaċja mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv. Hija ħaġa importanti li l-FSE jaqdi rwol ewlieni biex is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar b'mod partikolari għall-gruppi soċjali partikolarment żvantaġġati (pereżempju l-immigranti, il-guppi f'minorità, il-persuni b'diżabbiltà jew ir-Roma) u biex jiżgura kundizzjonijiet li jwasslu għall-integrazzjoni tagħhom.

1.1.11   Il-KESE jinnota li l-koordinazzjoni bejn il-politiki ffinanzjati mid-diversi fondi u l-istrumenti u l-miri tal-koeżjoni u l-Istrateġija Ewropea jista' jkollha impatt fuq il-miri inizjali u taffettwa l-integrità territorjali tagħhom li jista' jirriżulta f'bidliet; perspettivi ġodda essenzjali jistgħu joħorġu fid-dieher meta dawn jiġu implimentati. Għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi tal-ippjanar sistematiku, l-orjentazzjoni u l-monitoraġġ. Il-kunċett ċentrali tal-proċess sistematiku huwa li l-Ftehim ta’ Sħubija ma jiddefinixxix biss il-passi ta’ tħejjija għall-iżvilupp, iżda anke l-proċess sħiħ ta’ implimentazzjoni, il-kundizzjonijiet tiegħu u l-kejl tal-effikaċja; madankollu, il-partijiet għandhom ikunu lesti wkoll għall-fatt li l-għanijiet ġenerali tal-kumitati tal-ġestjoni jistgħu jiġu emendati skont il-monitoraġġ kontinwu tal-benefiċjarji.

1.1.12   Sabiex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija UE 2020, il-Kumitat jisħaq fuq il-bżonn li tissaħħaħ il-koordinazzjoni fil-livell tal-ġestjoni ta’ kull fond, l-iktar il-Fond ta’ Koeżjoni, il-fondi strutturali u l-fondi tal-innovazzjoni.

1.1.13   Il-KESE jaqbel li fil-perjodu għat-tul, sabiex jiġu evitati l-kunflitti, jeżistu bosta argumenti favur l-integrazzjoni tal-elementi kollha tal-politika strutturali tal-UE (inklużi pereżempju Ewropa 2020, il-politika ta’ koeżjoni, il-PAK jew il-BEI) f'sensiela kompletament koerenti ta’ politiki ġenerali Komunitarji li tista' tissejjaħ UE 2050. Dan għandu jwassal għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni politika u teknika mingħajr ma jfisser li dawn id-diversi politiki ser jispiċċaw. Naturalment, dan ser ikun diffiċli biex jitwettaq sakemm xi wħud mill-politiki konċernati jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE filwaqt li oħrajn jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri. It-tisħiħ tad-dimensjoni reġjonali jista' jservi bħala mezz adatt biex jintlaħaq l-għan mixtieq.

1.1.14   Il-ħolqien ta’ Ewropa poliċentrika, magħmula minn siti “intelliġenti” relatati flimkien, jeħtieġ ħidma koordinata li tista' ssir biss fil-qafas ta’ kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati. Il-kooperazzjoni fiż-żoni transnazzjonali u l-istrateġiji tal-iżvilupp makroreġjonali li jiġbru flimkien l-atturi konċernati tad-diversi pajjiżi u setturi jistgħu jservu bħala wieħed mill-modi li jistgħu jintużaw.

1.2   Ir-reġjuni u l-koeżjoni

1.2.1   Il-KESE jqis li l-kompetittività tal-UE tiddependi ħafna mit-tisħiħ tal-kompetittività reġjonali.

1.2.2   Fil-fehma tal-KESE, il-forom emerġenti tal-kooperazzjoni makroreġjonali huma essenzjali f'diversi aspetti. Kif diġà enfasizza f'bosta Opinjonijiet (dwar ir-reġjuni tal-baħar Baltiku u d-Danubju), l-għajnuna li tingħata fil-qafas tal-Fondi Strutturali tista' tippermetti t-tfassil tal-istrateġiji fil-qafas tan-netwerks trans-Ewropej, kemm dawk fiżiċi kemm dawk mhux fiżiċi, li huma meħtieġa mill-Unjoni Ewropea biex tikkonsolida l-kompetittività u l-attraenza tat-territorju tagħha.

1.2.3   Il-KESE jqis ukoll li l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea u t-tisħiħ tal-għaqda politika tagħha jiddependu wkoll minn kemm hi kapaċi tmur lil hinn mill-approċċ reġjonali bbażata fuq l-istatistika limitata mill-fruntieri nazzjonali. Huwa ċar li l-progress ta’ dawn l-aħħar snin lejn l-approċċ reġjonali, programmi kumplessi u rabtiet orizzontali kif ukoll il-konsolidazzjoni tal-clusters, qed iservu bħala t-triq li permezz tagħha jistgħu jiffjorixxu d-dimensjonijiet soċjali u reġjonali tal-ekonomija Ewropea.

1.2.4   Fil-fehma tal-Kumitat, m'hemm l-ebda skop li jiġu implimentati għanijiet paralleli, u kultant kompletament identiċi permezz ta’ oqsma ta’ politika differenti, u lanqas li tinħoloq sett ta’ għodod differenti mill-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni relattivament stabbiliti.

1.2.4.1   B'mod progressiv, l-għaxar snin li ġejjin, ser ikollhom ikunu deċennju ta’ reġjuni funzjonali. Ir-reġjuni jista' jkollhom ċentru wieħed jew iktar, b'rabtiet ekonomiċi orizzontali reġjonali u vertikali, appoġġjati mill-potenzjal legali, finanzjarju u istituzzjonali tal-“kooperazzjoni msaħħa”. Għalhekk, tifsira ġdida għat-terminu “reġjonali” tista' ġġib magħha dimensjoni ġdida għal Ewropa intelliġenti. Madankollu, dejjem hemm bżonn programm ta’ konverġenza billi hemm – u ser jibqa' jkun hemm - reġjuni li għadhom lura fl-iżvilupp.

1.2.5   Il-KESE huwa tal-fehma li t-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea f'attur dinji li jikseb is-suċċess, it-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, it-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali, l-appoġġ għall-mikrointrapriżi u għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li joperaw fiż-żoni periferali, ir-rilaxx ta’ riżorsi ġodda, is-sensibilizzazzjoni dwar l-ambjent u stili ta’ ħajja b'saħħithom, it-titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni, l-inċentivi għaż-żgħażagħ, il-promozzjoni tal-innovazzjoni, l-inkoraġġiment tan-nies biex jieħdu sehem fid-diversi proċessi u t-tisħiħ tal-identità Ewropea huma kollha oqsma li għandhom jiġu indirizzati.

1.3   Il-bliet u l-konurbazzjonijiet

1.3.1   Il-KESE jenfasizza li l-kompetittività tal-Ewropa tiddependi ħafna mill-bliet metropolitani tagħha u r-reġjuni metropolitani tagħha, fejn l-intrapriżi jistgħu jibbenefikaw mill-ekonomiji u n-netwerks agglomerati li jorbtu s-swieq internazzjonali. Iż-żoni urbani ġeneralment jistgħu jkunu muturi tat-tkabbir u ċentri għall-kreattività u l-innovazzjoni. Rati ta’ tkabbir ogħla u impjiegi ġodda jistgħu jinħolqu jekk jingħaqdu flimkien kwantità kbira biżżejjed ta’ atturi bħall-kumpaniji, l-universitajiet u r-riċerkaturi. Il-problemi urbani, sew jekk relatati mad-degradazzjoni ambjentali u sew jekk relatati mal-esklużjoni soċjali, jirrikjedu reazzjoni speċifika u l-involviment dirett tal-livell ta’ gvern ikkonċernat.

1.3.2   Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jiġi żviluppat programm urban ambizzjuż, li fih ir-riżorsi finanzjarji jiġu identifikati b'mod iktar ċar biex jiġu identifikati l-kwistjonijiet urbani u fejn l-awtoritajiet urbani jistgħu jaqdu rwol iktar importanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-iżvilupp urban.

1.3.3   Is-sistemi urbani, skont is-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, huma komplementati minn żoni ta’ qbid differenti. Il-KESE ma jistax jaċċetta li fil-futur jibqa' għaddej l-antagoniżmu “tradizzjonali” bejn il-bliet u l-irħula. Il-vantaġġi li jistgħu jġibu magħhom is-sħubijiet bejn iż-żoni urbani u rurali jiddependu ħafna mill-fatturi tal-kuntest lokali, li fl-aħħar mill-aħħar huma uniċi.

1.4   Iż-żoni rurali u l-agrikoltura

1.4.1   Il-KESE huwa tal-fehma li fil-kuntest tat-triq li qabdet l-Istrateġija Ewropa 2020, il-politika ta’ koeżjoni, minn naħa, u l-Politika Agrikola Komuni, min-naħa l-oħra, huma kruċjali, b'mod partikolari fl-iżvilupp integrat tat-territorju. L-agrikoltura, bħala sors importanti tad-dinamika ekonomika, għadha settur strateġiku għall-UE, kemm mil-lat tas-sigurtà tal-ikel kif ukoll minħabba l-potenzjal tagħha f'termini ta’ tkabbir u impjiegi fiż-żoni rurali, u fir-rigward tal-kontribut tagħha fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

1.4.2   F'dan il-kuntest, dawn iż-żewġ politiki għandhom jorjentaw is-sinerġiji tagħhom lejn dawk l-għanijiet komuni u trasversali intiżi biex jittrasformaw lill-UE f'ekonomija intelliġenti, sostenibbli u inklużiva, b'rati għolja ta’ impjieg, produttività u koeżjoni soċjali.

1.4.2.1   Il-KESE huwa tal-fehma li s-siti intelliġenti u b'konnessjonijiet internazzjonali li jinsabu f'żoni rurali għandhom rwol x'jaqdu fl-irkupru previst mill-Ewropa 2020. L-istess bħall-każ taż-żoni urbani, in-netwerks jikkostitwixxu forma organizzattiva tal-ikbar importanza għall-intrapriżi u għall-iżvilupp reġjonali.

2.   Konklużjonijiet

2.1   Il-KESE jisħaq fuq il-fatt li r-referenzi ta’ politika fl-Istrateġija Ewropa 2020 li jirreferu għall-bżonnijiet ta’ innovazzjoni marbuta mat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, is-saħħa u l-bidliet demografiċi huma marbuta strutturalment mal-għanijiet tal-koeżjoni stabbiliti fl-oqsma tal-edukazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u s-soċjetà diġitali. Huma jirrappreżentaw, mhux tal-inqas f'termini reġjonali, pont bejn l-għanijiet ta’ koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020.

2.1.1   Il-KESE jinnota wkoll li hemm kontradizzjoni bejn l-approċċi teoretiċi differenti u l-kunċetti użati fil-prattika. It-Trattat ta’ Lisbona żied dimensjoni ġdida lit-tifsira tat-terminu “reġjonali”, billi jagħti rwol leġittimu lill-aspetti territorjali tal-proċess ta’ koeżjoni. Il-mod kif ir-“reġjun” ser jiġi definit fil-futur fil-politika reġjonali mhuwiex ħaġa żgħira. Hemm bżonn definizzjoni li tistabbilixxi stampa komuni, mil-lat territorjali u istituzzjonali kif ukoll mil-lat tal-istrumenti legali u finanzjarji rilevanti, sabiex jiġi żgurat tkabbir imġedded, sostenibbli u dinamiku fl-Ewropa.

2.1.1.1   Il-KESE jagħraf li l-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali huwa proċess ferm pożittiv, marbut mill-qrib mal-kunċett tal-koeżjoni territorjali li nħoloq bit-Trattat ta’ Lisbona. Il-politiki reġjonali fis-sens strett tat-terminu għandhom jikkomplementaw bod effettiv il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni Ewropej li huma ikbar jew iktar imbiegħda, iżda li jkollhom interessi komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni.

2.2   L-intersezzjoni bejn “gruppi” ta’ programmi (jiġifieri reġjonali, territorjali, interurbani) definiti, fost affarijiet oħra, skont l-ispazju, tirrifletti żoni b'attivitajiet li jħeġġu l-iżvilupp li jkollhom ċentru urban wieħed jew iktar, iżda mingħajr ma jeskludu jew iwarrbu bilfors lill-oħrajn. Iċ-“ċentri ta’ eċċellenza” Ewropej li huma definiti skont il-kompetenzi ta’ innovazzjoni, huma karatteristiċi ta’ ċerti setturi ekonomiċi u mhumiex gabra aċċidentali ta’ kapaċitajiet u ħiliet individwali ġo ċentru urban partikolari, iżda iktar għarfien miġbur mir-relazzjonijiet definiti sew fi spazju fiżiku.

2.2.1   L-“eċċellenza” hija possibbli biss permezz ta’ żviluppi kwantitattivi li jinstabu fis-sistema ta’ miri tal-koeżjoni marbuta mal-ambjent, l-infrastruttura, l-edukazzjoni jew it-taħriġ. Waħda mill-karatteristiċi ta’ żoni bħal dawn hija kemm huma miftuħa. Il-parteċipazzjoni hija possibbli kullimkien, iżda, minħabba raġunijiet ta’ kwalità, fuq perjodu twil l-opportunitajiet jinħolqu madwar ċentri ta’ gravità. Il-previdibbiltà hija ġustament ibbażata fuq l-istabbiltà previdibbli storikament tal-kapaċitajiet multidimensjonali tar-reġjuni.

2.3   Biex tirnexxi l-innovazzjoni huwa indispensabbli li jiġu appoġġjati forom ġodda tad-demokrazija. Irridu mmorru lil hinn mill-forom normali tal-konsultazzjoni soċjali, u bl-għajnuna tal-istrumenti tad-demokrazija parteċipattiva, għandhom jiġu rilaxxati l-kompetenzi, biex is-soċjetà ċivili organizzata ssir iktar disposta jew “lesta” tiġi involuta b'konformità mal-prinċipji fundamentali tat-Trattati tal-UE.

2.4   L-innovazzjoni tfisser li jiddaħħlu fil-prattika ideat u suġġerimenti ġodda, li jantiċipaw il-kompetizzjoni u tfisser li jitgħaddew il-proċessi prevedibbli bl-użu tal-għarfien. In-natura kumplessa tagħha tippermettilha tgħaqqad il-ħiliet umani, il-kapaċitajiet tekniċi u r-relazzjonijiet ekonomiċi bid-diversità kollha tagħhom. Naturalment, iċ-ċentri urbani, bħala hubs, jipprovdu l-kundizzjonijiet tajbin – il-qafas essenzjali – li mingħajrhom kollox jibqa' astratt.

2.5   Din hija r-raġuni għalfejn, skont l-analiżi territorjali parti integrali mis-sistemi ta’ appoġġ finanzjarju u politiki għandha tkun appoġġ parallel u koordinat għall-innovazzjoni u l-miżuri għall-konverġenza.

2.6   Għalkemm l-Istrateġija Ewropa 2020 hija programm politiku globali tat-tkabbir, tal-kompetittività, tas-sostenibbiltà, tal-politika strutturali, mil-lat iktar ġenerali u internazzjonali, hija wkoll programm li tgħin lill-Ewropa tkun kompetittiva fis-suq internazzjonali.

2.7   L-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-politika ta’ koeżjoni jikkonformaw mal-punti msemmija hawn fuq. Madankollu, fir-rigward tal-Ewropa 2020 il-qafas istituzzjonali tal-implimentazzjoni tagħhom għad jonqsu elementi finanzjarji u legali ġodda li, meta jinteraġixxu, jistgħu jinbidlu f'fatturi li jikkontribwixxu għal iktar effiċjenza. Jeżisti argument validu li t-tfassil mill-ġdid u l-integrazzjoni tal-istrumenti ta’ koeżjoni jistgħu jħaffu l-ħolqien ta’ Ewropa orjentata lejn l-innovazzjoni, Ewropa “intelliġenti”, iżda biss jekk il-firxa tal-istrumenti finanzjarji tiġi estiża, billi jintużaw is-sinerġiji maħluqa mill-integrazzjoni ta’ sorsi differenti.

3.   Dibattitu

3.1   It-tiġdid politiku u ekonomiku tal-Ewropa tħaffef mill-kriżi li bdiet fi tmiem id-deċennju li għadda.

3.1.1   Parzjalment minħabba l-kriżi internazzjonali, l-Unjoni Ewropea teħtieġ integrazzjoni ekonomika iktar b'saħħitha. F'għajnejn il-Kumitat dan huwa proċess ta’ benefiċċju billi jsaħħaħ l-UE, iżda fl-istess ħin huwa proċess diffiċli, billi l-kooperazzjoni bejn 27 pajjiż mhijiex ħaġa faċli. Minkejja l-problemi kollha tagħha, din l-integrazzjoni ekonomika (u konsegwentement politika) imsaħħa hija bbażata fuq l-idea ta’ “politika ekonomika tal-UE”. Din il-politika hija msejsa fuq tliet aspetti importanti  (1):

a)

L-istabbiltà

L-UE, bil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, qed testendi l-ambitu ta’ kontroll komuni fuq is-setturi li jġibu riskju għall-istabbiltà u qed toħloq mekkaniżmu tal-ġestjoni tal-kriżi (Mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja - EFSM u Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà - MES).

b)

Tkabbir u Kompetittività.

Għal dan il-għan, l-UE adottat l-Istrateġija UE 2020 u l-Patt Euro Plus.

c)

Il-koeżjoni

L-UE qed timplimenta l-politika ta’ koeżjoni u l-poltika agrikola komuni bil-għan li tilħaq koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fi ħdanha.

3.2   Ir-reviżjonijiet, id-dokumenti u l-istrateġiji fundamentali li ġew adottati jiffurmaw id-dokumenti għat-tiġdid. Huma stabbilixxew il-kundizzjonijiet u l-istrumenti li l-mexxejja politiċi tal-UE u tal-Istati Membri għandhom ir-responsibbiltà konġunta li jużawhom. Id-diversi strumenti huma disponibbli, u għandhom jintużaw flimkien biex iwettqu l-istabbiltà, it-tkabbir u l-kompetittività u biex jimplimentaw il-koeżjoni.

3.3   Il-kompitu stess tar-rikonċiljazzjoni bejn l-UE 2020 u l-politika ta’ koeżjoni jirrifletti dikotomija. Huwa jagħti idea tal-periklu inerenti fl-oppożizzjoni bejn il-libertà tas-suq u l-koeżjoni soċjali u territorjali. Ir-riskju huwa saħansitra ikbar bħalissa, żmien ta’ nuqqas ta’ fondi, meta l-appoġġ għal parti javvanza fuq id-dahar tal-ieħor. It-tisħiħ tal-koeżjoni għandu jitwettaq billi jittejbu ċ-ċirkostanzi għat-tkabbir u l-kompetittività. L-Istati Membri jew ir-reġjuni inqas żviluppati m'għandhomx iktar ħin x'jitilfu fil-kuntest globali attwali.

3.4   Il-finanzi pubbliċi, min-naħa tagħhom, iddgħajfu sew mill-kriżi f'bosta Stati Membri, u ser ikun diffiċli li jiġu konsolidati meta l-prezz tat-tixjiħ demografiku diġà qed jinħass. Fi ftit kliem, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE qed jiġu kkonfrontati minn futur diffiċli.

3.5   L-Istrateġija Ewropa 2020 ma tagħmilx distinzjoni – u din hija ħaġa tajba - bejn ir-riformi strutturali li jistgħu jiġu implimentati fuq perjodu twil, u l-miżuri li jippromovu l-irkupru fil-perjodu l-qasir.

3.6   Is-suċċess ta’ din l-istrateġija m'għandhux jiddependi minn tendenzi ekonomiċi fil-perjodu l-qasir. Huma eżattament ir-riżorsi investiti fil-bidliet strutturali li jsiru bil-mod li “jmexxu” lis-setturi li, min-naħa tagħhom, jinsabu f'pożizzjoni tajba biex iġeddu s-sistema nnifisha, bis-saħħa tal-kompetittività innovattiva tagħhom.

3.7   L-elementi potenzjali tat-tkabbir jorbtu sew ma’ ħafna mill-għanijiet tal-istrateġija (u din hija ħaġa tajba ħafna), iżda hemm diversi diskrepanzi mhux intenzjonati.

3.7.1   Fost l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 – mil-lat tal-potenzjal tat-tkabbir - iż-żieda fir-rata tal-impjieg u t-titjib tal-livell tal-kwalifiki jikkorrispondu mal-aspetti kwantitattivi u kwalitattivi tal-forza tax-xogħol. L-għanijiet tal-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll tal-klima u l-enerġija huma marbuta mal-kwalità tal-kapital investit u s-sostenibbiltà ambjentali. Madankollu, l-Istrateġija jonqosha xi ftit mill-fatturi li jiddeterminaw il-kwantità u l-kwalità tal-kapital (l-investimenti u l-istandards tekniċi tagħhom), kif ukoll il-produttività globali tal-fatturi. L-Istrateġija tabbina importanza kbira mal-infiq fir-riċerka u l-iżvilupp, iżda ma tindirizzax fil-fond biżżejjed il-proċess tal-innovazzjoni fil-kumpaniji, jew l-innovazzjoni ekonomika u soċjali, li mhijiex l-istess bħar-riċerka u l-iżvilupp.

3.7.2   Fid-dawl tal-punti msemmija, l-Istrateġija Ewropa 2020 tirrifletti approċċ ekonomiku li jaqbel mal-bżonnijiet u l-ħiliet ta’ ekonomiji żviluppati b'rata ta’ tkabbir baxxa, li għandhom kapaċità kbira fir-riċerka u l-iżvilupp u fejn ir-rati ta’ investiment huma relattivament baxxi; fit-tul anke rati daqshekk baxxi wrew li kienu biżżejjed biex jiżguraw il-bidliet strutturali meħtieġa. Fil-pajjiżi żviluppati, m'hemm l-ebda dubju li r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni jaqdu rwol importanti fit-tkabbir ekonomiku. Minn dan il-lat, il-koeżjoni, għalkemm mhijiex neċessarjament f'kontradizzjoni mal-kompetittività, tieħu pożizzjoni sekondarja.

3.7.3   Madankollu, sabiex l-Istati Membri l-ġodda tal-UE, bi żvilupp ekonomiku iktar baxx, ikunu jistgħu jlaħħqu mal-oħrajn, hemm bżonn isir l-investiment fl-infrastruttura u oqsma oħra. F'pajjiżi bħal dawn, ir-riċerka u l-iżvilupp għandhom inqas ċans li jkunu l-ixprun ewlieni tat-tkabbir mill-investiment. Għad li d-dokument tal-Kummissjoni (2) jsemmi l-konverġenza f'dan ir-rigward, fl-abbozz ma saritx biżżejjed enfasi fuq il-konverġenza tal-Istati Membri inqas żviluppati.

3.8   L-Istrateġija Ewropa 2020 ma tistax tinftiehem mingħajr l-għarfien dwar kif jiġu allokati r-riżorsi finanzjarji. Minn naħa, hemm “żona griża” bejn l-2010 u l-2013: matul dan il-perjodu, il-perspettiva finanzjarja tibqa' tgħodd iżda mhux dejjem tippermetti li jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 (pereżempju, fir-rigward tal-aġenda diġitali). Min-naħa l-oħra, l-għanijiet adottati fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandhom influwenza kbira fuq l-infiq tal-baġit li jmiss tal-UE. F'dan il-kuntest ikun rakkomandabbli li l-għanijiet ta’ din l-Istrateġija jintrabtu mal-prijoritajiet tal-qafas finanzjarju.

3.9   Xi analiżi juru li l-isforz li jiġi investit favur il-konverġenza jrendi ħafna, u barra minn hekk għandu bosta vantaġġi oħra:

l-ewwel nett: jista' jintwera li l-investiment li jirriżulta mill-baġit tal-Unjoni jwassal għal tkabbir ikbar mill-medja tar-riżultati finanzjarji tal-ekonomija tal-UE (PDG), bis-saħħa tat-trasferimenti tat-teknoloġija avvanzata, persentaġġ ogħla ta’ importazzjonijiet fl-investimenti, ħaddiema kwalifikati, infrastruttura bi prezz iktar baxx, u investiment li jibbenefika minn appoġġ finanzjarju u li jibni fuq infrastruttura moderna;

it-tieni nett: l-estensjoni tas-Suq Uniku, attivitajiet tas-servizzi iktar mifruxa u t-tkabbir fil-bażi tal-għarfien ilkoll huma fatturi li fihom infushom jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-attivitajiet tal-innovazzjoni;

it-tielet nett: għas-settur tal-SMEs, l-għajnuna finanzjarja li tista' tinkiseb bis-saħħa tal-Fondi Strutturali ħafna drabi tfisser is-swieq, l-aċċess għas-swieq jew fondi għall-iżvilupp;

fl-aħħar nett, l-impatt potenzjali pożittiv tal-integrazzjoni u l-konverġenza għall-gruppi soċjali l-iktar żvantaġġati, esklużi mis-suq tax-xogħol b'diversi modi, huwa konsiderevoli.

3.10   Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ppreżentatx xenarju tat-tkabbir li jsaħħaħ kemm jista' jkun il-potenzjal tas-suq uniku, iżda ffokat l-iktar fuq il-konsolidazzjoni fiskali drastika bħala l-prerekwiżit għat-tkabbir. Għandha tingħata wisq iktar attenzjoni lill-muturi tat-tkabbir li jippermettu lill-Istati Membri jikkonsolidaw il-baġits filwaqt li jaqbdu t-triq tat-tkabbir sostenibbli. Sabiex dan iseħħ, il-KESE jemmen li politika makroekonomika bilanċjata li tikkombina b'mod adegwat l-aspetti tal-provvista u dawk tad-domanda għandha tkun parti integrali minn kwalunkwe strateġija ekonomika orjentata lejn il-futur.

3.11   Tkun ħaġa tajba tassew jekk il-programmi jiġu determinati mill-eżistenza ta’ “hubs finanzjarji” li jinħolqu skont ir-riżultati mistennija u analiżi tar-riskju. Żgur li dan huwa pass meħtieġ, billi l-globalizzazzjoni tmur lil hinn mir-restrizzjonijiet territorjali, u l-firxa globali tal-“lievi” ta’ innovazzjoni li qed jiżviluppaw f'ċerti reġjuni, kif ukoll il-funzjoni tagħhom ta’ clustering, ser ikomplu jissaħħu.

3.11.1   Jeħtieġ li tali reġjuni jkollhom kontroll fuq ir-riżorsi finanzjarji proprji u li jkunu jistgħu jiddeċiedu huma stess dwar il-prijorità li għandha tingħata lid-diversi fatturi tal-iżvilupp bl-allokazzjonijiet tar-riżorsi; permezz ta’ involviment għat-tul fil-proċessi innovattivi u bis-saħħa tal-valur miżjud ġenerat, għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu jekk japprovawx jew jirtirawx l-appoġġ finanzjarju.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara t-Trattat ta’ Lisbona, Artikoli 3.3 u 174.

(2)  COM(2010) 2020 finali.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strateġiji għall-konsolidazzjoni intelliġenti tal-politika baġitarja — l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju” (Opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

2011/C 248/02

Relatur: is-Sur DANTIN

Fil-15 ta’ Novembru 2010, ir-Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika tal-Ungerija fi ħdan l-Unjoni Ewropea, is-Sur Péter GYÖRKÖS, f'isem il-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar

Strateġiji għall-konsolidazzjoni intelliġenti tal-politika baġitarja – l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'164 vot favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, li faqqgħet matul l-2007 u ggravat fl-2008, kellha konsegwenzi ħorox fuq il-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi Ewropej u laqtet ħażin b'mod partikolari s-sitwazzjoni baġitarja tagħhom.

1.2   Il-ħtieġa ta’ bħalissa li l-baġits pubbliċi jissaffew mill-ispejjeż relatati mal-pjani differenti kollha ta’ rilanċ ekonomiku, ta’ għajnuna lill-banek – bħalma ġara f'ċerti Stati Membri – u livell dgħajjef ta’ tkabbir, li ma kienx ġie kkunsidrat biżżejjed fil-politiki ekonomiċi ta’ qabel il-kriżi, qed twassal sabiex numru ta’ Stati Membri jnaqqsu l-infiq pubbliku. Hemm riskju li din l-għażla tiġġenera diżimpenn min-naħa tal-Istati Membri u ddgħajjef l-effett ridistributtiv tas-sistemi ta’ solidarjetà kollettiva, kemm f'dak li hu protezzjoni soċjali u kemm f'dak li jolqot is-servizzi pubbliċi.

1.3   Dan il-metodu ta’ kif jerġa' jinkiseb bilanċ ta’ malajr, barra l-ispiża soċjali kbira li jġib miegħu, hemm ir-riskju li jwassal għal tkabbir dgħajjef, fuq perjodu twil, b'mod partikolari minħabba l-isterilizzazzjoni tad-domanda li ser taggrava d-defiċits baġitarji. Min-naħa tagħhom, dawn ser jikkawżaw tnaqqis fid-domanda u b'hekk ser ikun hemm bħal ċirku vizzjuż li jista' jkaxkar miegħu l-ekonomija Ewropea f'burraxka bla tmiem.

1.3.1   Jeħtieġ li politika baġitarja “intelliġenti” twaqqaf dan iċ-ċirku.

1.4   “L-intelliġenza” tal-konsolidazzjoni baġitarja tinsab f'bilanċ “intelliġenti” bejn l-infiq u d-dħul u bejn l-offerta u d-domanda. Għaldaqstant, it-tkabbir sostenibbli għandu jkun l-għan ewlieni tal-politika ekonomika, kif ukoll ta’ kull politika oħra.

1.4.1   Għalhekk, it-tkabbir sostenibbli għandu jkun wieħed mill-għanijiet prijoritarji tal-UE.

1.5   Għal dan il-għan, jeħtieġ:

1.5.1

li tinħoloq regolazzjoni aktar ambizzjuża u sħiħa tas-swieq finanzjarji sabiex titwaqqaf l-ispekulazzjoni. Fin-nuqqas ta’ dan, il-persistenza tal-ispekulazzjoni xxejjen l-isforzi kollha li jsiru favur “konsolidazzjoni baġitarja intelliġenti”.

1.5.2

li tiġi segwita politika baġitarja li tkun għas-servizz tat-tkabbir:

billi jiġi stabbilit bond Ewropew maħsub biex jiffinanzja l-proġetti tal-infrastruttura permezz tal-mobilizzazzjoni tat-tfaddil;

billi jinħolqu eurobonds li permezz tagħhom tkun tista', b'mod partikolari, titnaqqas l-ispiża tal-finanzjament mill-ġdid tal-Istati taż-żona tal-euro li jinsabu f'diffikultà;

billi tintuża kemm jista' jkun l-elastiċità tal-perjodu ddedikat għall-konsolidazzjoni, għax “big bang” jikkomprometti l-perspettivi tat-tkabbir.

1.5.3

li l-politika fiskali titqiegħed għas-servizz tat-tkabbir:

billi wieħed jimmira lejn koordinazzjoni msaħħa bejn il-politiki fiskali tal-Istati Membri b'konformità mat-Trattati Ewropej;

billi tittejjeb il-kooperazzjoni kontra l-frodi fiskali bis-saħħa tal-aħjar użu tal-Eurofisc;

billi l-pressjoni fiskali tiġi trasferita permezz ta’ sorsi ġodda ta’ dħul, bħat-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, it-tassazzjoni fuq l-enerġija, it-taxxi fuq l-istabbilimenti finanzjarji, fuq l-emissjonijiet ta’ CO2, billi titfassal organizzazzjoni ġdida tas-suq tal-kwoti, eċċ.

1.5.4

li jinħolqu taxxi maħsuba għall-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet iġġenerati mill-imġiba tas-settur finanzjarju, sakemm jikkontribwixxu sabiex joħolqu kundizzjonijiet aktar ġusti fil-proċess ta’ żvilupp u ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern Ewropew.

1.5.4.1

Il-Kummissjoni Ewropea, bl-approvazzjoni tal-Kumitat, beħsiebha twettaq valutazzjoni tal-impatt sabiex tiddefinixxi l-istruttura potenzjali u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ din it-tassazzjoni. Fi kwalunkwe każ, m'għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar din it-tassazzjoni mingħajr ma jkunu magħrufa r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni.

1.5.5

li jinħoloq it-tkabbir tal-ġejjieni:

permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2020 li timmira, b'mod partikolari, lejn l-iżvilupp ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv fuq il-bażi ta’ koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, billi tiġġieled kontra l-ostakli ewlenin għat-tkabbir, inklużi dawk relatati mal-funzjonament tas-suq intern;

permezz tad-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politika industrijali ambizzjuża u effiċjenti mmirata b'mod prijortarju lejn is-setturi li għandhom valur miżjud qawwi, livell għoli ta’ teknoloġija u potenzjal qawwi ta’ tkabbir kemm fil-qasam tal-industrija kif ukoll f'dak tas-servizzi;

permezz tal-ħolqien ta’ “Small Business Act” Ewropew ġenwin;

permezz ta’ enfasi fuq it-“triangolu maġiku” tat-tkabbir: it-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni. Għal dan il-għan, jeħtieġ:

li l-investimenti fl-edukazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) jitkomplew u jissaħħu, minkejja t-tnaqqis baġitarju, sabiex jiġi evitat li l-UE tiddgħajjef b'mod inevitabbli;

li wieħed iqis li t-taħriġ u l-kwalifiki mogħtija jkunu adegwati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

li l-leġislazzjoni fiskali tiġi adattata sabiex l-industrija tkun imħeġġa tinvesti aktar fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni;

li l-ħidma u l-kooperazzjoni tar-riċerkaturi u l-innovaturi jiġu ffaċilitati madwar l-UE kollha billi jiġi żgurat li ż-“Żona Ewropea tar-Riċerka” titwettaq b'suċċess;

li numru ta’ ostakli jitnaqqsu jew saħansitra jiġu eliminati: l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, l-ispejjeż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u li jintlaħaq ftehim b'mod urġenti dwar l-implimentazzjoni tal-privattiva Ewropea fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni msaħħa;

li jingħataw aktar importanza, aktar mezzi u aktar missjonijiet liċ-“ċentri ta’ kompetittività”. Għal dan il-għan, il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew jista' jwassal sabiex ir-relazzjoni bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni titjieb.

1.6   Meta dawn il-politiki jitwettqu fil-prattika, fid-dawl tal-fatt li jidependu mid-deċiżjoni individwali ta’ kull Stat Membru, għandha titqies il-varjetà wiesgħa tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tas-27 Stat Membru. Ir-rati ta’ tkabbir tal-PDG, il-livelli u x-xejriet tal-qgħad, il-livelli tad-dejn nazzjonali u l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp ivarjaw ħafna, għalkemm jeżistu tendenzi ċari.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-Presidenza Ungeriża talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar “Strateġiji intelliġenti ta’ konsolidazzjoni tal-politika baġitarja - l-isfida biex jiġu identifikati l-ixpruni tat-tkabbir għall-Ewropa. Kif nistgħu nużaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol tal-ekonomiji tagħna fid-dawl tal-ħtieġa urġenti għal aġġustament baġitarju”.

2.2   Il-Kumitat jilqa' bi pjaċir din il-konsultazzjoni.

2.3   Fil-fatt, permezz tagħha l-KESE ntalab jirrifletti dwar kwistjoni li torbot mat-tħassib tal-Kumitat u mal-ħidma li diġà wettaq sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja.

2.4   Din l-opinjoni ser tippermetti aġġornament tar-riflessjonijiet preċedenti tal-Kumitat. Dawn ser jirfdu t-tfassil ta’ dan il-kontribut, li għandu l-għan li jkompli jiżviluppa din ir-riflessjoni sabiex jagħti tweġiba għas-suġġett tal-konsultazzjoni (1).

2.5   Għal dan il-għan, wara li nanalizzaw fil-qosor ir-raġunijiet tal-kriżi, ser neżaminaw il-konsegwenzi tagħha u r-riskji ekonomiċi u soċjali ta’ konsolidazzjoni baġitarja “mhux intelliġenti” u mbagħad ser nagħmlu xi proposti favur l-iżvilupp ta’ tkabbir sostenibbli li mingħajru ma jistax isir rilanċ tal-ekonomija Ewropea.

3.   Il-kriżi u l-konsegwenzi tagħha

3.1   Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, li faqqgħet matul l-2007 u ggravat fl-2008, kellha konsegwenzi ħorox fuq il-finanzi pubbliċi tal-pajjiżi Ewropej. Minn naħa waħda, bosta gvernijiet ħadu miżuri biex isalvaw is-sistema finanzjarja. Min-naħa l-oħra, ħadu miżuri baġitarji konsiderevoli sabiex jillimitaw kemm jista' jkun il-gravità tar-reċessjoni, bis-saħħa tal-pjani tagħhom ta’ rilanċ. L-għan ta’ dawn il-pjani kien li jikkompletaw l-azzjoni tal-istabbilizzaturi awtomatiċi biex jevitaw li l-attività ekonomika tikkrolla, iżda ggravaw ukoll is-sitwazzjoni baġitarja f'bosta pajjiżi.

3.2   Filwaqt li matul il-kriżi finanzjarja l-ispejjeż pubbliċi massivi rnexxielhom jippreservaw il-likwidità tas-swieq, il-ħtieġa ta’ bħalissa li l-baġits jissaffew mill-ispejjeż ikkawżati mill-għajnuna lill-banek – bħalma ġara f'ċerti Stati Membri – u minn miżuri diskrezzjonali qed twassal sabiex iż-żieda fil-qgħad u l-miżuri l-oħra ta’ awsterità adottati f'bosta pajjiżi qed jirrappreżentaw theddida għat-tkabbir ekonomiku b'mod ġenerali.

3.3   Din is-sitwazzjoni kkawżat żieda konsiderevoli fid-defiċit pubbliku fl-Unjoni Ewropea. Skont il-previżjonijiet tal-Eurostat, id-defiċit tela' minn 2,3 tal-PDG fl-2008 għal 7,5 % fl-2010 fl-UE kollha kemm hi, u minn 2 % għal 6,3 % fiż-żona tal-euro. Fl-istess ħin, il-proporzjon tad-dejn pubbliku tela' minn 61,6 % tal-PDG fl-2008 għal 80 % fl-Unjoni Ewropea u minn 69,4 % għal 78,7 % fiż-żona tal-euro. It-tkabbir kellu jkun ta’ 0,7 % fl-2010, il-qgħad kellu jikber minn 7,1 % fl-UE fl-2007 għal 9,1 % fl-2009, bi previżjoni ta’ 10,3 % fl-aħħar tal-2010, jiġifieri huma kkonċernati madwar 25 miljun ruħ, fosthom madwar 8 miljuni li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-kriżi.

3.4   Barra minn hekk, wieħed josserva li l-azzjonijiet imwettqa f'numru ta’ Stati Membri, li fil-biċċa l-kbira jikkonsistu fit-tnaqqis tal-infiq pubbliku sabiex jerġa' jinkiseb malajr bilanċ baġitarju u sabiex jitnaqqas id-dejn, qed jirriskjaw li jikkawżaw diżimpenn min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-effett ridistributtiv tas-sistemi ta’ solidarjetà kollettiva. Għaldaqstant, ta’ min jibża' bil-kbir dwar it-tneħħija tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u tas-servizzi pubbliċi, filwaqt li r-rwol tagħhom ta’ stabilizzaturi awtomatiċi u l-fatt li taffew b'mod effettiv il-konsegwenzi tal-kriżi ntlaqgħu tajjeb b'mod unanimu.

3.4.1   Fil-fehma tal-Kumitat, huwa essenzjali li l-kapital soċjali Ewropew u l-kapital naturali jiġu salvagwardjati bħala fatturi indispensabbli tat-tisħiħ tat-tkabbir.

3.4.2   L-effetti fuq il-kredibbiltà tal-UE (u tal-Istati Membri tagħha) jkunu diżastrużi kemm-il darba din tħalli liċ-ċittadini tagħha jixhdu l-ispettaklu ta’ Ewropa li minn naħa turi li hija determinata li – bħalma ġara f'ċerti Stati Membri – tieħu miżuri konsiderevoli favur is-settur finanzjarju u bankarju, li għandu sehem mir-resposabbiltà fil-kriżi attwali, u li min-naħa l-oħra, meta hemm bżonn li tiġġieled kontra t-tnaqqis fit-tkabbir, iż-żieda qawwija fil-qgħad u fil-prekarjetà tal-impjiegi u li tiżgura s-solidarjetà permezz tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u s-servizzi pubbliċi, din tieħu azzjoni ineffiċjenti li tkun ta’ detriment għaċ-ċittadini Ewropej, li bl-ebda mod ma kkawżaw il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Sitwazzjoni bħal din tista' biss tkompli tbiegħed liċ-ċittadini mill-UE aktar milli diġà huma.

3.5   Dan il-metodu ta’ kif jerġa' jinkiseb bilanċ baġitarju ta’ malajr jikkonsisti qabel kollox fit-tnaqqis tal-infiq pubbliku; barra l-ispiża soċjali li jġib miegħu, qed jirriskja li jwassal għal tkabbir dgħajjef – b'mod partikolari minħabba t-tnaqqis tad-domanda – fuq perjodu twil, kif ukoll qgħad persistenti, jew saħansitra dejjem jiżdied, u għalhekk erożjoni tal-kompetittività dinjija tal-Ewropa.

3.5.1   L-awsterità baġitarja qed tirriskja li tikkawża tnaqqis fid-domanda u dan jista' jwassal għal reċessjoni li ġġib magħha defiċits ġodda li jistgħu jwasslu lill-ekonomija Ewropea lejn burraxka bla tmiem.

3.5.2   Dan it-tnaqqis fid-domanda ser ikun aktar u aktar b'saħħtu peress li l-inugwaljanzi ser ikomplu jiggravaw (pereżempju fi Franza bejn l-1998 u l-2005, is-salarju medju ta’ 0,01 % tal-persuni bl-ogħla ħlas kiber b'51 %) u li l-poter tal-akkwist tal-familji ser jonqos b'mod mekkaniku minħabba s-sitwazzjoni ekonomika, iżda wkoll minħabba t-tnaqqis kbir tas-sehem tas-salarji fl-iskambju tal-valur miżjud. Fil-fatt, fl-2007, l-FMI qies li s-sehem tas-salarji fil-PDG fl-Ewropa niżel minn 73 % fl-1980 għal 64 % fl-2005.

4.   Lejn konsolidazzjoni baġitarja intelliġenti

4.1   Il-kwistjoni mhix daqstant jekk jaqbilx li mmorru lura għall-bilanċ baġitarju iżda pjuttost li nkunu nafu “kif?” u “min iħallas?” u “b'liema ritmu?” sabiex it-tkabbir ikun jista' jerġa' jieħu spinta tajba 'l quddiem.

4.1.1   “L-intelliġenza” tal-konsolidazzjoni baġitarja tinsab f'bilanċ “intelliġenti” bejn l-infiq u d-dħul u bejn l-offerta u d-domanda. Għal dan il-għan, li terga' tinstab it-triq lejn it-tkabbir, fil-kuntest ta’ politika espansjonista li toħloq kuntest favorevoli għall-konsum u għall-investiment, hija muftieħ indispensabbli sabiex noħorġu mill-kriżi bit-tajjeb.

4.1.2   Il-konsolidazzjoni baġitarja parzjalment ġejja wkoll mill-esiġenzi tal-politika monetarja, li għandha titmexxa b'mod li tkun tista' tilħaq l-għanijiet tagħha stess ta’ stabbiltà tal-prezzijiet u ta’ fiduċja fis-swieq filwaqt li tkompli toħloq il-kundizzjonijiet tat-tkabbir ekonomiku.

4.2   Politika baġitarja għas-servizz tat-tkabbir

4.2.1   Ferm qabel il-kriżi attwali, l-Ewropa kellha tkabbir insuffiċjenti. L-għan ta’ tkabbir annwali ta’ 3 %, li jinsab fl-essenza tiegħu fil-bażi tal-Istrateġija ta’ Lisbona, intlaħaq darbtejn biss. Dan in-nuqqas ta’ tkabbir, b'mod ġenerali, ma ġiex ikkunsidrat biżżejjed fil-politiki ekonomiċi u baġitarji mfassla mill-gvernijiet. Ġie sostitwit bis-self, kemm pubbliku kif ukoll privat, u fil-każ tal-aħħar is-sistema finanzjarja kellha responsabbiltà qawwija pereżempju fis-self għall-proprjetà. Għaldaqstant, it-tkabbir sostenibbli għandu jkun l-għan ewlieni tal-politika ekonomika kif ukoll ta’ kull politika oħra. F'dan il-kuntest, il-konsolidazzjoni baġitarja, li tinkludi b'mod partikolari allokazzjoni effikaċi tar-riżorsi finanzjarji, ser tkun tista' ssib il-mezzi biex tistabbilixxi triq lejn ibbilanċjar mill-ġdid tal-baġits pubbliċi fuq perjodu medju mingħajr ma xxekkel l-għan ta’ livell għoli ta’ tkabbir.

4.2.2   Il-kriżi finanzjarja u d-dgħufija tar-reżistenza tal-ekonomija tal-UE għax-xokkijiet juru l-ħtieġa li l-politika ekonomika tingħata direzzjoni ġdida. Skont il-Kumitat, abbinament aktar ibbilanċjat ta’ miżuri makroekonomiċi, li jiġbor flimkien b'mod arrmonjuż l-aspetti ffukati fuq l-offerta u politika ekonomika diretta lejn id-domanda, għandu jkun parti integrali mill-istrateġija Ewropea. Permezz ta’ dan, f'dinja finanzjarizzata li tiffavorixxi l-investimenti fuq perjodu qasir u li għalhekk hija soġġetta għar-riskju ta’ tnaqqis fir-ritmu tal-progress tekniku, jeħtieġ li nabbandunaw tkabbir ibbażat fil-biċċa l-kbira fuq il-“bżieżaq spekulattivi” u nerġgħu lura lejn tkabbir ibbażat fuq il-konsum u l-investiment, b'mod partikolari fis-setturi innovattivi tal-ekonomija reali (2), li jippromovi metodi ta’ produzzjoni b'emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u b'anqas konsum ta’ riżorsi naturali.

4.2.3   Jista' jiġi stabbilit bond Ewropew maħsub biex jiffinanzja l-proġetti Ewropej tal-infrastruttura. Dan ikun għodda essenzjali li tista' tattira flus imfaddla li bħalissa huma disponibbli u li mhumiex użati sabiex tappoġġja l-ekonomija Ewropea. Dan l-isforz għandu jimxi id f'id ma’ approċċ ikkoordinat lejn il-politika industrijali (3) favur il-kompetittività, skont il-linji gwida stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 (4). Minn din il-perspettiva, il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-istqarrija li l-President tal-Kummissjoni għamel quddiem il-Parlament Ewropew, li fl-14 ta’ Diċembru 2010 indika li ser jinsisti sabiex jiġu ppreżentati pjani maħsuba sabiex jintroduċu bonds. Madankollu, l-introduzzjoni ta’ bonds ma tistax tkun alternattiva jew sostitut għall-ħolqien tal-eurobonds.

4.2.4   Il-Kumitat jadotta pożizzjoni favur il-ħolqien tal-eurobonds, għax dawn mhux biss jippermettu l-finanzjament ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura bil-għan li jimmodernizzaw l-Ewropa billi joħolqu l-impjiegi u billi jniedu mill-ġdid it-tkabbir bħalma jistgħu jagħmlu l-bonds, iżda jnaqqsu l-ispejjeż tal-finanzjament mill-ġdid tal-pajjiżi taż-żona tal-euro li jinsabu f'diffikultà, billi jagħtu dimensjoni Ewropea lis-suq tas-self tal-Istat. Wara l-ħolqien tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja, il-ħolqien tal-eurobonds ikun jista' jiddikjara lis-suq is-solidarjetà interna tal-Unjoni Ewropea filwaqt li jagħti xhieda tal-impenn politiku tagħha favur l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-irriversibbiltà tal-euro.

4.2.4.1   Ta' min jinnota li din il-prattika, li sseħħ fl-Istati Uniti permezz tat-Teżor u li kienet ġiet approvata fl-2009 mill-Parlament Ewropew u mill-FMI, tippermetti li l-pajjiżi taż-żona tal-euro li jinsabu f'diffikultà jnaqqsu l-piż tas-servizz tad-dejn tagħhom u jiksbu mill-ġdid ċerta flessibbiltà sabiex jistimolaw it-tkabbir.

4.2.5   L-Istati Membri li għandhom bilanċ pożitiv fil-kontijiet kurrenti u/jew li għandhom dejn pubbliku baxx għandhom jadottaw politika espansjonista biex jistimolaw id-domanda. B'mod ġenerali, dan ma jagħmluhx l-aktar minħabba l-biża' li jiġu penalizzati mill-aġenziji tal002Dklassifikazzjoni tal-kreditu. “Ir-rwol [tagħhom] huwa ċentrali għat-tħaddim tas-sistema finanzjarja u għaldaqstant din ma tistax ma tkunx monitorjata” (5). Minn dan il-lat, il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li ma rnexxilux jitwaqqaf “korp Ewropew għall-valutazzjoni tad-dejn sovran” (6).

4.3   Tkabbir u fiskalità

4.3.1   Il-fiskalità, ladarba tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, għall-kompetittività, għat-tnaqqis tal-piż li jġorru l-finanzi pubbliċi, eċċ., hija fattur li tippromovi t-tkabbir. Il-Kumitat jiddispjaċih li, fil-qasam tal-konsolidazzjoni baġitarja, il-Kummissjoni tinteressa ruħha b'mod kważi esklużiv fl-infiq u ma tagħtix kas id-dħul. Fil-fatt, fil-biċċa l-kbira tal-każi, approċċ bħal dan ikun għad-detriment ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli soċjalment u jxekkel it-tkabbir billi jnaqqas id-domanda.

4.3.2   “B'konformità mat-Trattati tal-UE, hemm bżonn li jsir sforz għal iktar koordinazzjoni bejn il-politiki fiskali fl-Istati Membri (inklużi bażijiet tat-taxxa armonizzati u rati minimi), b'mod partikolari f'dawk l-oqsma fejn il-bażijiet tat-taxxa huma mobbli fil-livell internazzjonali u r-riskju tal-evażjoni tat-taxxa u l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri huwa l-ogħla.” Din il-koordinazzjoni fil-livell Ewropew għandu jkollha b'mod speċjali l-għan li tipproteġi u tkabbar id-dħul fiskali (7).

4.3.3   Kooperazzjoni amministrattiva mtejba hija wkoll parti mis-sisien meħtieġa għal ġlieda effiċjenti kontra l-frodi fiskali. Il-ħolqien tal-Eurofisc, li huwa netwerk deċentralizzat miftuħ għall-Istati Membri kollha bil-għan li jippermetti azzjoni rapida u mmirata lejn il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, huwa l-ewwel pass 'il quddiem (8). Fl-opinjoni tiegħu dwar dan is-suġġett, il-KESE enfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti rabtiet u kooperazzjoni mal-entitajiet l-oħra li jaħdmu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus (9).

4.3.4   Jeħtieġ li l-pressjoni fiskali tiġi trasferita lejn sorsi ġodda ta’ dħul, bħat-taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, it-tassazzjoni fuq l-enerġija, it-taxxi fuq l-istabbilimenti finanzjarji, fuq l-emissjonijiet ta’ CO2  (10), permezz tat-tfassil ta’ organizzazzjoni ġdida tas-suq tal-kwoti, eċċ. Dan it-tip ta’ tassazzjoni jista' jġib miegħu benefiċċju doppju: fuq perjodu qasir u medju, iserraħ il-baġits pubbliċi, u fuq perjodu twil, jikkontribwixxi għall-għoti ta’ direzzjoni ġdida lir-riżorsi lejn l-investiment sostenibbli fl-ekonomija reali b'mod ġenerali u fit-teknoloġiji u s-setturi ekoloġiċi b'mod partikolari (11). Jista' wkoll ikun utli biex il-baġit tal-Unjoni Ewropea jiġi attrezzat b'riżorsi proprji (12).

4.4   It-tassazzjoni tas-settur finanzjarju

4.4.1   B'mod konkret, it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju tista' żżid l-istabbiltà u l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji, billi tnaqqas il-volatilità tagħhom u l-effeti ħżiena ta’ teħid ta’ riskju eċċessiv (13). Għalhekk, tidher ħaġa raġonevoli li jinħolqu taxxi maħsuba għall-internalizzazzjoni tal-esternalitajiet iġġenerati mill-imġiba ta’ dan is-settur, sakemm jikkontribwixxu sabiex joħolqu kundizzjonijiet aktar ġusti fil-proċess ta’ żvilupp u ta’ armonizzazzjoni tas-suq intern Ewropew.

4.4.2   Taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

4.4.2.1   Il-KESE approva l-prinċipju ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport tal-Grupp de Larosière (14): “Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ tranżizzjoni minn perspettiva fuq perijodu qasir għal perspettiva fuq perijodu twil ta’ żmien, b'mod li l-bonusijiet ma jissejsux fuq l-ispekulazzjoni. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jappoġġja l-idea li jkun hemm taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji [TTF]”. “It-tieni objettiv tat-TTF huwa li jkun hemm żjieda fid-dħul pubbliku. Dan is-sors il-ġdid ta’ dħul jista' jintuża wkoll biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jiġu ffinanzjati l-politiki tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew biex jitnaqqas il-piż fuq il-finanzi pubbliċi. Dan tal-aħħar jimplika wkoll li s-settur finanzjarju ser iħallas lura s-sussidji pubbliċi. Fuq medda twila ta’ żmien, id-dħul għandu jipprovdi sors ġenerali ġdid għad-dħul pubbliku” (15). Barra minn hekk, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji għandha wkoll effetti ta’ lieva li ta’ min jifraħ bihom, peress li ġġib magħha tibdil fl-imġiba tal-atturi tas-suq.

4.4.2.2   F'dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, f'dikjarazzjoni tat-8 ta’ Settembru 2010, il-President tal-Kummissjoni Ewropea ddefenda l-prinċipju ta’ taxxa fuq l-attivitajiet finanzjarji.

4.4.2.3   Fil-kuntest tal-pożizzjonijiet li adotta preċedentement, il-Kumitat iqis li l-UE u l-Istati Membri llum il-ġurnata għandhom bżonn ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji sabiex jiġbru dħul maħsub għat-tiswija tal-iżbilanċi baġitarji, sabiex jiffinanzjaw miżuri ta’ rilanċ biex jistimolaw it-tkabbir u sabiex jiġġieldu kontra l-attivitajiet purament spekulattivi.

4.4.3   Taxxi fuq l-attivitajiet finanzjarji

4.4.3.1   It-taxxa fuq l-attivitajiet finanzjarji (16), fl-usa' forma tagħha (metodu b'addizzjoni), hija maħsuba biex tintaxxa l-benefiċċji u r-rimunerazzjonijiet kollha tal-attività imprenditorjali tal-istabbilimenti finanzjarji, ikunu xi jkunu l-prodotti li jqiegħdu fis-suq.

4.4.3.2   Tista' titqies bħala taxxa fuq il-valur miżjud iġġenerat mill-kumpaniji tas-settur finanzjarju, li tista' tkun ta’ rimedju għall-kontribuzzjoni fiskali, bħalissa aktar baxxa, ta’ dan is-settur, minħabba l-eżenzjoni mill-VAT li jibbenefikaw minnha numru kbir tal-operazzjonijiet tiegħu.

4.4.3.3   Id-dħul iġġenerat fil-livell Ewropew jista' jintuża għall-konsolidazzjoni baġitarja tal-Istati Membri.

4.4.4   Il-Kummissjoni Ewropea, bl-approvazzjoni tal-Kunsill, beħsiebha twettaq valutazzjoni tal-impatt sabiex tiddefinixxi l-istruttura potenzjali u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ din it-tassazzjoni u tivvaluta l-firxa ta’ riformi ġodda tas-settur finanzjarju li huma relatati mas-sistema ta’ garanzija tad-depożiti, l-eżiġenzi l-ġodda fil-qasam ta’ fondi proprji u likwidità, eċċ. Abbażi ta’ dan, jeħtieġ li jinsab bilanċ tajjeb bejn, minn naħa, l-għan tal-ġlieda kontra l-iżbilanċi baġitarji u, min-naħa l-oħra, l-għan li tinżamm il-kapaċità tas-settur bankarju li jsellef u li jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Fi kwalunkwe każ, m'għandha tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar din it-tassazzjoni mingħajr ma jkunu magħrufa r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni.

5.   Il-ħolqien tat-tkabbir tal-ġejjieni

5.1   L-Ewropa qed tiffaċċja theddidiet kbar, bħal:

dinja ffinanzjarizzata li ma taqax taħt id-demokrazija politika, parzjalment skonnessa mill-ekonomija reali u li tiffavorixxi l-investimenti fuq perjodu qasir li jirriskjaw li jnaqqsu r-ritmu tal-progress tekniku. L-abbandun tal-investimenti reali għall-benefiċċju tal-investimenti finanzjarji jxekkel ukoll l-iżvilupp tal-impjiegi, tad-dħul, tad-domanda u tal-baġits pubbliċi;

it-tiġrif tal-mudelli soċjali eżistenti flimkien mar-riskji marbuta ma’ ftehim privat bejn l-Istati Uniti u l-pajjiżi emerġenti l-kbar li jeskludi lill-Ewropa u li jqiegħed fid-dubju s-suq tax-xogħol. Sabiex l-isfidi tal-lum jiġu indirizzati, jeħtieġ li jiġu identifikati l-linji politiċi li joħolqu t-tkabbir tal-ġejjieni.

5.2   Sabiex terġa' lura lejn tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, l-Unjoni adottat l-Istrateġija Ewropa 2020. Fuq il-bażi ta’ koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, din l-istrateġija l-ġdida għandha l-għan li tiġġieled kontra l-ostakli ewlenin għat-tkabbir fil-livell tal-UE, inklużi dawk relatati mal-funzjonament tas-suq intern u l-infrastruttura, kif ukoll il-ħtieġa ta’ politika komuni dwar l-enerġija u politika industrijali ġdida ambizzjuża. Il-Kunsill Ewropew saħaq fuq il-fatt li l-politiki komuni kollha, inklużi l-Politika Agrikola Komuni u l-politika ta’ koeżjoni, ser ikollhom jappoġġjaw din l-istrateġija u li din ser ikollha dimensjoni esterna kbira (17).

5.3   Il-KESE ħoloq kumitat ta’ tmexxija li jaħdem f'kollaborazzjoni mill-qrib mas-sezzjonijiet speċjalizzati, is-CCMI, il-KES nazzjonali u l-osservatorji dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija, u b'mod partikolari dwar is-seba' inizjattivi ewlenin li għandhom l-għan li jistimolaw il-progress fil-qasam tat-tkabbir u l-impjiegi. F'dan il-kuntest, il-Kumitat se joħroġ opinjonijiet dwar “l-inizjattivi ewlenin” biex jilħaq il-“ħames objettivi” ta’ din l-istrateġija. Hemm bżonn li ssir riflessjoni fil-fond dwar is-setturi, l-atturi u l-azzjonijiet prijoritarji sabiex jiġi ddeterminat kif din l-istrateġija l-ġdida tista' tiġi implimentata.

5.4   Is-setturi prijoritarji. Mil-lat settorjali, mingħajr ma nkunu eżawrjenti, ejjew nelenkaw uħud mill-fatturi li jistimolaw dan it-tkabbir li kultant diġà jeżistu llum il-ġurnata iżda, fil-biċċa l-kbira, li qed jiġu żviluppati għall-ġejjieni minħabba li għandhom valur miżjud qawwi, livell għoli ta’ teknoloġija u potenzjal qawwi ta’ tkabbir. Naturalment, il-kontenut tagħhom jirrigwarda kemm l-industrija kif ukoll is-servizzi:

l-enerġija mingħajr karbonju, it-trasport u l-bini ekoloġiku, eċċ., li joħolqu “impjiegi ekoloġiċi” (18);

“l-ekonomija tal-anzjani”: il-bijoinġenerija għas-servizz tas-saħħa, ix-xjenzi tal-ħajja (19), eċċ.;

il-bijoteknoloġija (20);

is-soċjetà diġitali, in-nanoteknoloġiji (21), ir-robotika, eċċ.;

l-agronomija u s-settur idrawliku bħala tweġiba għal-limitazzjoni tal-art tajba għall-ħrit, kif ukoll tibdil fil-proċessi ta’ produzzjoni sabiex dawn isiru aktar ekonomiċi fil-materja prima, l-ipproċessar tal-elementi metalliċi rari (rare earths), eċċ.;

riċerka f'kull settur industrijali dwar proċessi u metodi ta’ żvilupp b'anqas karbonju b'mod li joħloq kunċett ġdid ta’ x'inhi politika industrijali;

eċċ.

5.4.1   L-edukazzjoni wkoll għandha tkun settur prijoritarju li jappoġġja s-setturi l-oħrajn kollha. Hija wieħed mill-elementi indispensabbli għat-tkabbir għax tippromovi l-ħolqien ta’ kapital uman li huwa essenzjali għall-iżvilupp tiegħu. Minn dan il-lat, jeħtieġ li noqogħdu attenti li l-kwalifiki jkunu adegwati għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.

5.5   Azzjonijiet prijoritarji għas-servizz tat-tkabbir

5.5.1   It-tisħiħ tas-suq uniku Ewropew għandu jkun prijorità tal-Unjoni Ewropea, fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jqis li hekk biss ser ikun jista' jinkiseb progress sinifikanti – fir-rigward ta’ tkabbir ekonomiku b'saħħtu, sostnut u aktar ġust – fl-iżvilupp tal-Istati Membri.

5.5.2   Għall-implimentazzjoni ta’ politika industrijali effiċjenti

5.5.2.1   Is-sens tal-espressjoni “politika industrijali” inbidel ħafna matul is-snin. Għalhekk, huwa importanti li jiġu identifikati l-prinċipji li jagħmluha possibbli li dan it-terminu jiġi definit b'mod rigoruż u f'perspettiva adatta skont iż-żmien.

L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġu speċifikati s-setturi li għandhom jingħataw l-aktar attenzjoni (22). Imbagħad, id-dispożizzjonijiet ta’ azzjoni għandhom, ovvjament, ikunu diversifikati ħafna. F'ċerti każi, bħall-enerġija, ser ikun hemm bżonn proġetti Ewropej kbar. F'każi oħra, ser ikun hemm bżonn finanzjament ta’ kapital. Jew inkella, fil-każ ta’ start-ups u intrapriżi li qed jikbru, dawn ser jeħtieġu l-appoġġ sabiex jiżviluppaw teknoloġiji ġodda. Ikun xi jkun il-każ, din il-politika industrijali trid titfassal kemm bl-objettiv tas-suq intern u kemm b'dak tal-esportazzjoni.

Fl-aħħar, ir-restrizzjoni ewlenija hija li jinsabu mezzi sabiex jiġu ffinanzjati din il-politika industrijali u t-tkabbir fuq perjodu twil li tista' ġġib magħha fi żmien ta’ aġġustament baġitarju. Wieħed mill-metodi jkun jikkonsisti f'li t-tfaddil Ewropew jingħata direzzjoni massiva lejn investimenti produttivi fuq perjodu twil (23) li jkunu vijabbli mil-lat ekonomiku u soċjali, jiġifieri li għandhom potenzjal qawwi ta’ ħolqien ta’ impjiegi. Id-diffikultà tista' tkun li teżisti averżjoni qawwija għar-riskju. Din tista' tingħeleb permezz ta’ mekkaniżmi speċifiċi għall-qsim tar-riskju bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-investituri privati, b'tali mod li l-awtoritajiet pubbliċi jerfgħu l-biċċa l-kbira tar-riskju fuq perjodu twil bħalma jagħmel riassiguratur. Metodu ieħor jista' jkun li jinħoloq bond Ewropew kbir (24).

5.5.2.2   Madankollu, biex tiġi żviluppata sistema ta’ produzzjoni bbilanċjata u b'saħħitha, jeħtieġ naturalment li jintużaw żewġ politiki ewlenin: il-politika fiskali u l-politika tal-impjieg. Il-politika fiskali hija ttrattata fil-punt 4.3.1; rigward il-politika tal-impjieg, l-isfida ewlenija ser tkun li jiġi attivat il-potenzjal ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u b'hekk ukoll li jiġu integrati fuq skala kbira ħafna ż-żgħażagħ u l-anzjani. Fl-istess ħin, jeħtieġ ukoll li tiġi proposta offerta kbira ta’ servizzi ta’ kwalità għolja għall-kura tat-tfal bħala għajnuna għall-ġenituri fl-attività professjonali tagħhom (25).

5.5.3   Għal “Small Business Act” Ewropew

5.5.3.1   Din il-proposta tressqet kemm-il darba iżda qatt ma twettqet perfettament; safrattant, hija neċessarja. Is-“Small Business Act” (SBA) Amerikan, pereżempju, huwa għodda effiċjenti ħafna, għax permezz tiegħu jiġu ffinanzjati kemm l-innovazzjoni kif ukoll l-investiment tradizzjonali, u l-SMEs jistgħu jingħataw garanzija għal parti mis-swieq pubbliċi. Il-kwistjoni tikkonċerna kemm l-istart-ups kif ukoll l-intrapriżi b'ritmu mgħaġġel ta’ tkabbir. L-SBA Ewropew (SBAE), bħal dak Amerikan, għandu jimplimenta firxa ta’ strumenti li jikkonċernaw kemm is-swieq pubbliċi kif ukoll il-finanzjament. Għalhekk, il-KESE jipproponi SBAE ambizzjuż (26).

5.5.4   Għal politika tal-edukazzjoni u tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni

5.5.4.1   Dan is-suġġett ġie ttrattat f'bosta opinjonijiet imfassla mill-Kumitat (27). Dan minn dejjem indika sostanzjalment li r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni huma attivitajiet ewlenin li ser jiddeterminaw il-post li, għada pitgħada, se tokkupa l-Ewropa fid-dinja skont il-prijorità u l-mezzi li l-Ewropa ser talloka għal dawn l-oqsma.

5.5.4.2   F'dan il-perjodu kkaratterizzat mir-restrizzjonijiet baġitarji, l-UE u l-Istati Membri għandhom ikomplu jinvestu fl-edukazzjoni u fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Dawn l-investimenti mhux biss m'għandhomx ikunu soġġetti għat-tnaqqis baġitarju, iżda saħansitra għandhom jissaħħu (28). Jekk dan ma jsirx, l-UE ser tiddgħajjef b'mod inevitabli u dan ifisser telf ta’ impjiegi u deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha.

5.5.4.3   L-Unjoni għandha taħdem sabiex tiżgura li l-leġislazzjoni fiskali tkun aktar adattata għall-objettiv li jinħolqu miżuri ta’ inċentiv għall-industrija sabiex din tinvesti aktar fir-riċerka u l-iżvilupp (29). Dan l-adattament għandu jagħmilha possibbli b'mod partikolari li l-iżvilupp tal-SMEs li l-aktar jiffukaw fuq ir-R&Ż jiġi appoġġjat matul l-ewwel snin tal-attività tagħhom. Meta wieħed iqis ir-rwol strateġiku li jaqdu l-SMEs fl-ekonomija Ewropea, il-KESE jirrakkomanda li kull Stat Membru juża l-aħjar taħlita ta’ inċentivi fiskali possibbli sabiex jiffaċilita s-sopravvivenza u t-tkabbir tal-SMEs fi ħdan l-ekonomija tiegħu (30). Fl-istess ħin, jeħtieġ ukoll li l-proġetti komuni bejn l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u l-SMEs jiġu promossi u msaħħa, taħt il-patroċinju pereżempju tal-aġenziji pubbliċi tar-riċerka (nazzjonali jew Ewropej), sabiex il-kooperazzjoni bejn dawn l-atturi tiġi appoġġjata.

5.5.4.4   Sabiex ir-R&Ż ikunu effettivi, ir-riċerkaturi u l-innovaturi għandhom ikunu f'pożizzjoni li jaħdmu u jikkooperaw madwar l-UE kollha faċilment bħalma jagħmlu fi ħdan il-fruntieri nazzjonali. Għal dan il-għan, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka (31), li għandha titwettaq minn hawn u erba' snin oħra, ser ikollha tintroduċi l-istrutturi meħtieġa għal moviment tassew liberu tat-tagħrif, li tassew jirrappreżenta l-valur miżjud li l-Unjoni ġġib magħha għas-setturi nazzjonali tar-riċerka.

5.5.4.5   Barra minn hekk, għandhom jiġu eliminati għadd ta’ ostakli: l-aċċess għall-finanzjament għandu jittejjeb, b'mod speċjali għall-SMEs, l-ispejjeż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu raġonevoli, għandhom jiġu stabbiliti għanijiet aktar ambizzjużi u għandu jiġi adottat approċċ strateġiku lejn l-użu tal-baġits kbar allokati għall-kuntratti pubbliċi. Bħalissa, hemm bżonn urġenti għall-aħħar li jintlaħaq ftehim dwar il-privattiva Ewropea. L-introduzzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa dwar dan is-suġġett tista' tkun soluzzjoni provviżorja possibbli.

5.5.4.6   L-Istrateġija ta’ Lisbona kienet tipprevedi li l-UE kellha talloka 3 % tal-PDG għar-R&Ż, li minnhom żewġ terzi kellhom jiġu mis-settur privat. Għadna 'l bogħod f'dan ir-rigward. Sadattant, huwa assolutament importanti li jintlaħaq dan il-għan, li permezz tiegħu, minn hawn u l-2020, ikunu jistgħu jinħolqu 3,7 miljun impjieg u minn hawn u l-2027 il-PDG annwali jkun jista' jiżdied b'madwar EUR 800 biljun (32). Aktar minn qatt qabel, it-twettiq ta’ dan il-għan għandu jibqa' l-prijorità tal-Unjoni.

5.5.4.7   Fl-aħħar nett, il-ħolqien ta’ ċentri ta’ kompetittività kien inizjattiva pożittiva ħafna f'għadd ta’ pajjiżi Ewropej. Sabiex jingħataw aktar importanza, aktar mezzi u aktar missjonijiet, il-ħolqien ta’ netwerk Ewropew aktarx huwa l-aħjar mod kif tista' tittejjeb ir-relazzjoni bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni, kemm-il darba l-atturi kollha jkunu involuti fit-tmexxija tagħhom.

6.   Is-soċjetà ċivili

6.1   Ta' min jenfasizza li, minħabba l-ħafna konsegwenzi li l-aġġustamenti baġitarji u t-tfittxija ta’ metodi biex jintlaħaq it-tkabbir għandhom fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin, id-djalogu soċjali u d-djalogu ċivili għandhom ikunu eżemplari kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll f'dak tal-Unjoni Ewropea.

6.2   Is-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-KES nazzjonali jew l-organizzazzjonijiet li jaqdu l-funzjoni ta’ KES nazzjonali, għandha tiġi kkonsultata qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet. Għandu jkun hemm livell għoli ta’ sħubija soċjali, għax ma jistgħux isiru għażliet vijabbli u ta’ suċċess fuq perjodu medju jew twil f'dan il-qasam hekk sensittiv jekk iċ-ċittadini ma jaċċettawx ir-riformi.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-kriżi finanzjarja u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali”, ĠU C 255, 22.09.2010, p. 10, u l-opinjoni tal-KESE dwar “L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi”, ĠU C 48, 15.02.2011, p. 57.

(2)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010”, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3.

(3)  Ara l-punt 5.5.1.

(4)  Ara l-ittra mill-President tal-KESE lill-President tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Marzu 2010.

(5)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu”, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 117, punt 1.1.

(6)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Aġenziji li jiggradaw il-kreditu”, ĠU C 54, 19.2.2011, p. 37, punt 1.4.

(7)  Ara n-nota nru 2 f'qiegħ il-paġna.

(8)  Regolament Nru 904/2010 tal-Kunsill dwar il-koperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (riformulazzjoni), ĠU L 268, 12.10.2010, p.1.

(9)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-koperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (riformulazzjoni)”, ĠU L 347, 18.12.2010, p.74, punt 1.10.

(10)  Ara n-nota nru 2 f'qiegħ il-paġna.

(11)  Ara n-nota nru 4 f'qiegħ il-paġna.

(12)  “Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE”, COM(2010) 700 finali, 19.10.2010.

(13)  Ara COM(2010) 549 finali, Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tassazzjoni tas-settur finanzjarju.

(14)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-Rapport tal-Grupp de Larosière”, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 57.

(15)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji”, CESE 969/2010, Sinteżi u konklużjonijiet, punt 1.10.

(16)  Din il-proposta ġejja mill-Fond Monetarju Internazzjonali.

(17)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Marzu 2010 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010.

(18)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima”, ĠU C 44, 11.02.2011, p. 110.

(19)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ix-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija – Strateġija għall-Ewropa. Rapport ta’ progress u linji gwida għall-ġejjieni”, ĠU C 234, 30.09.2003, p. 13 (mhux disponibbli bil-Malti).

(20)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Lejn viżjoni strateġika tax-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija: dokument ta’ konsultazzjoni”, ĠU C 94, 18.04.2002, p. 23 (mhux disponibbli bil-Malti).

(21)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Nanoxjenzi u nanoteknoloġiji: Pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa 2005-2009”, ĠU C 185, 8.08.2006, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(22)  Ara l-punt 5.4.

(23)  Ara l-punt 4.2.3.

(24)  Ara n-nota nru 19 f'qiegħ il-paġna.

(25)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi”, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 26, punt 4.2.

(26)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir: Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa”, ĠU C 182, 4.08.2009, p. 30.

(27)  B'mod partikolari, dawk li jikkonċernaw is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-aktar l-opinjoni dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013)”, ĠU C 65, 17.3.2006, p. 22 (mhux disponibbli bil-Malti).

(28)  “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni”, COM(2010) 546 finali, 6.10.2010.

(29)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Lejn użu iktar effettiv tal-inċentivi fiskali favur ir-riċerka u l-iżvilupp”, ĠU C 10, 15.01.2008, p.13.

(30)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Nilliberaw u nsaħħu l-potenzjal tal-Ewropa għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni”, ĠU C 325, 30.12.2006, punt 3.5 (mhux disponibbli bil-Malti).

(31)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-riċerkaturi fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka: professjoni waħda, ħafna karrieri”, ĠU C 110, 30.04.2004, p.3, (mhux disponibbli bil-Malti) u l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Green Paper dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka: Perspettivi Ġodda”, ĠU C 44, 16.02.2008, p.1.

(32)  Ara P. Zagamé (2010): Les coûts d'une Europe non innovante (L-ispejjeż ta’ Ewropa mhux innovativa).


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tisħiħ tal-awtonomija soċjali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini tar-Roma fl-Ewropa” (opinjoni esploratorja)

2011/C 248/03

Relatur: is-Sur TOPOLÁNSZKY

F'ittra tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2010, l-Ambaxxatur is-Sur Péter Györkös, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f'isem il-presidenza Ungeriża u b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jfassal opinjoni esploratorja dwar

It-tisħiħ tal-awtonomija soċjali u l-integrazzjoni taċ-ċittadini tar-Roma fl-Ewropa

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'138 vot favur, 3 voti kontra u l-ebda astensjoni.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW:

1.1   jilqa' u japprezza bis-sħiħ l-isforzi kollha li saru sa issa mill-Unjoni Ewropea biex tnaqqas is-segregazzjoni tar-Roma (1) u tippromovi l-integrazzjoni soċjali tagħhom, permezz tar-riżoluzzjonijiet u l-atti regolamentari mfassla mill-istituzzjonijiet tagħha, it-twaqqif ta’ strutturi ta’ kooperazzjoni kif ukoll it-tpoġġija għad-dispożizzjoni ta’ Fondi Strutturali u strumenti finanzjarji oħra;

1.2   fl-istess waqt, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn l-isforzi kollha ma wasslux għal soluzzjoni deċiżiva kontra d-diskriminazzjoni li jesperjenzaw ir-Roma u lanqas għal titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-opportunitajiet tagħhom u li s-sitwazzjoni tagħhom saħansitra ħżienet fejn jidħlu ċerti aspetti;

1.3   jenfasizza li din is-sitwazzjoni diffiċli tista' tinbidel biss permezz ta’ strateġija Ewropea integrata, ikkoordinata u koerenti u permezz ta’ programm ta’ azzjoni determinat u sistemiku fil-politiki kollha u implimentat fil-livell nazzjonali li jipprovdu lill-individwi u l-komunitajiet tagħhom bis-setgħa u l-awtorità li jeħtieġu sabiex ifasslu d-destin tagħhom (it-tisħiħ tal-awtonomija). Għandu jkun possibbli li dan il-programm ta’ azzjoni jitpoġġa fil-prattika fil-livell tal-awtorità lokali (sussidjarjetà);

1.4   għaldaqstant jilqa' l-proposti stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2) dwar Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma sal-2020 u jagħti importanza kbira lill-implimentazzjoni konsistenti tagħhom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak tal-UE u jixtieq li jkun imsieħeb impenjat fil-proċess;

1.5   iqis fl-istess ħin li din l-istrateġija li tant ilha mistennija ma laħqitx l-aspettattivi li ġġenerat; hija setgħet kienet iktar ambizzjuża, iktar speċifika u strutturata aħjar;

1.6   iqis li l-elementi li ġejjin jistgħu jiġu proposti lill-Istati Membri bħala t-tliet pilastri - li għandhom jiġu implimentati b'mod koordinat - ta’ politika ta’ integrazzjoni tar-Roma realistika u fattibbli u li tirrappreżenta, speċifikament iżda mhux esklużivament, in-natura tal-problemi u tal-assi strateġiċi biex tinstab soluzzjoni għalihom:

a)

politika inklużiva li ma tiddiskriminax skont ir-razza u l-etniċità - li tindirizza l-konċentrazzjoni ta’ problemi soċjali u tnaqqas il-faqar u d-deprivazzjoni estremi;

b)

politika li tappoġġja l-awtonomija ta’ dawk li jqisu ruħhom membri ta’ kwalunkwe komunità ta’ Roma u ċ-ċelebrazzjoni tal-inklużjoni soċjali li kisbu;

c)

politiki ġenerali u pubbliċità kontra r-razziżmu;

1.7   jenfasizza l-bżonn li jiġu involuti r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili lokali, speċjalisti fix-xjenza u l-imsieħba soċjali fil-proċess ta’ konsultazzjoni, tfassil u implimentazzjoni tal-politika u jenfasizza l-bżonn kbir li jiġu involuti r-rappreżentanti u l-membri tal-popli u l-komunitajiet tar-Roma kemm fl-ippjanar kif ukoll fl-implimentazzjoni f'kull livell (UE, nazzjonali, reġjonali u lokali) b'konformità mal-għan tal-Komunikazzjoni li adottat il-Kummissjoni;

1.8   jenfasizza l-bżonn li l-interess ġenerali jiġi rrappreżentat b'mod sod u, għaldaqstant, isejjaħ għal programmazzjoni u implimentazzjoni sistematiċi u għall-koordinazzjoni tal-politiki; huwa jenfasizza wkoll l-importanza tal-proċess lokali tat-tfassil tal-politiki u approċċi differenti bbażati fuq il-ħtiġijiet reali, fuq il-preżentazzjoni tal-informazzjoni fattwali u anki fuq l-evalwazzjoni kontinwa, permanenti u sistematika.

1.9   jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill għall-ħtieġa li tinstab soluzzjoni biex dawk ir-Roma li, għal xi raġuni, m'għadx għandhom ċertifikat ta’ nazzjonalità, li huwa garanzija ta’ aċċess mingħajr diskriminazzjoni għaċ-ċittadinanza Ewropea, jingħatalhom lura, u li din l-inġustizzja tibqa' fuq nett tal-aġenda sakemm tiġi solvuta;

2.   Introduzzjoni

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW:

2.1   japprova l-analiżi tas-sitwazzjoni li ppreżentat il-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha dwar ir-Roma fl-Ewropa kif ukoll il-proposti li jidhru fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa” (3);

2.2   jappoġġja l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa” (4), li skontha jkun tajjeb li tiġi rikonoxxuta l-importanza strateġika partikolari tal-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali, li dawn jiġu appoġġjati u li jkun hemm politika reġjonali integrata;

2.3   itenni l-proposta li kien diġà ressaq fl-opinjoni esploratorja tiegħu dwar “L-integrazzjoni tal-minoranzi – ir-Roma” (5), b'mod partikolari fir-rigward tal-proposta għall-użu estiż tal-proċessi fil-qafas tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni; jikkonferma wkoll il-pożizzjoni li adotta fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar “Is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea” (6) dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej kollha u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, ir-razziżmu u l-ksenofobija fil-pajjiżi kollha;

2.4   jenfasizza mill-ġdid il-messaġġ tal-opinjoni tiegħu dwar L-Integrazzjoni u l-Aġenda Soċjali li hemm bżonn li jiżdiedu l-isforzi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bl-implimentazzjoni tal-istrumenti leġislattivi eżistenti u billi jissaħħu l-politiki pubbliċi u l-impenji soċjali favur l-integrazzjoni (7);

2.5   jaqbel bis-sħiħ mal-analiżi u l-proposti mressqa mill-Parlament Ewropew fir-rapport tiegħu dwar “L-Istrateġija tal-UE dwar l-integrazzjoni tar-Roma” (8);

2.6   jilqa' bis-sħiħ u jikkondividi l-valuri tan-nondiskriminazzjoni u l-integrazzjoni tal-persuni esklużi stabbiliti fl-Istrateġija ta’ Lisbona u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

2.7   jappoġġja l-għaxar prinċipji bażiċi komuni definiti fil-qafas tal-kooperazzjoni fi ħdan il-Pjattaforma Ewropea integrata għall-inklużjoni tar-Roma, li diġà ntlaqgħu b'mod mifrux u jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu applikati, mhux l-inqas fil-livell nazzjonali (9);

2.8   japprezza ħafna t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ Fondi Strutturali u ta’ sorsi nazzjonali, reġjonali u lokali oħra ta’ finanzjament (10) biex tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni tar-Roma, u jipproponi li fl-interess tal-awtonomija soċjali jiġi żgurat il-finanzjament ta’ dawn il-politiki permezz ta’ proċeduri aġġustati u tal-għoti ta’ għajnuna teknika li tqis in-natura multidimensjonali tal-kwistjoni bħall-aċċess għall-kura tas-saħħa, it-taħriġ vokazzjonali, l-impjiegi u d-djar.

2.9   jilqa' l-proposti tad-dokument tal-Kummissjoni Ewropea dwar Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma sal-2020 u jagħti importanza kbira lill-implimentazzjoni konsistenti tagħhom kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri u jixtieq li jkun imsieħeb impenjat f'dan il-proċess;

2.10   iqis, madankollu, li minkejja li d-dokument ilu ħafna mistenni, dan ma laħaqx l-aspettattivi li ġġenera. Il-KESE jemmen li s-sistema ta’ għanijiet għandha tiġi definita aħjar u b'mod iktar espliċitu fir-rigward tal-ħidma li trid issir u jirreferi għall-importanza ta’ diskussjoni soċjali miftuħa u mifruxa fl-Ewropa kollha dwar din il-kwistjoni. Sabiex jinkiseb suċċess fil-qasam, il-KESE jenfasizza l-bżonn kbir ta’ mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni u indikaturi tal-prestazzjoni. Għaldaqstant iqis li l-konklużjonijiet li adotta l-Kunsill f'Mejju u li l-Kunsill Ewropew mistenni jilqa' f'Ġunju, għandhom importanza partikolari, kemm mill-perspettiva soċjali kif ukoll minn dik operazzjonali;

2.11   jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-esklużjoni tar-Roma u d-diskriminazzjoni kontrihom għandha spejjeż soċjali kbar u ġġib magħha nefqa pubblika konsiderevoli, filwaqt li l-integrazzjoni tagħhom jista' jkollha benefiċċji ekonomiċi ċari (11);

2.12   jappoġġja u jipparteċipa fl-attivitajiet tan-netwerk EU-Roma, tal-Għaxar Snin tal-Inklużjoni tar-Roma, tas-Summit Ewropew dwar l-inklużjoni tar-Roma, tas-Summit dwar l-ugwaljanza, tal-Pjattaforma Ewropea integrata għall-inklużjoni tar-Roma, tal-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll bosta kooperazzjonijiet oħra, li fihom jirrappreżenta l-valuri tas-soċjetà ċivili fis-sens wiesa' tat-terminu;

2.13   jenfasizza li l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha diġà għamlu sforzi sostanzjali, fil-qasam tar-regolamentazzjoni, tal-gwida u tal-finanzjament, biex ifasslu politiki ta’ integrazzjoni għar-Roma u biex jadottawhom u jimplimentawhom;

2.14   madankollu, jinnota bi preokkupazzjoni li dawn l-isforzi kollha ma wasslux għal soluzzjoni deċiżiva kontra d-diskriminazzjoni li jesperjenzaw ir-Roma u lanqas għal titjib tal-kwalità tal-ħajja tagħhom u l-opportunitajiet tagħhom u li s-sitwazzjoni tagħhom saħansitra ħżienet fejn jidħlu ċerti aspetti. Minkejja li l-maġġoranza tar-Roma huma ċittadini tal-UE, li għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħal kwalunkwe ċittadin ta’ kull Stat Membru ieħor, huma xorta jisfgħu vittmi ta’ diskriminazzjoni serja u kontinwa fis-suq tax-xogħol, fl-edukazzjoni, fl-akkomodazzjoni, fil-kura tas-saħħa, fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi u fil-libertà tal-moviment;

2.15   huwa konxju tad-differenzi sinifikanti bejn is-sitwazzjoni tal-gruppi differenti ta’ Roma: filwaqt li ħafna minnhom huma integrati sew fiż-żona fejn joqogħdu, kemm jekk hix urbana jew rurali, oħrajn jgħixu fil-faqar u f'deprivazzjoni estrema u jesperjenzaw esklużjoni permanenti. Fl-aħħar nett, hemm parti żgħira minnhom li jgħixu l-istil partikolari ta’ ħajja tan-nomadi, li jdejjaq lil dawk ta’ madwarhom;

2.16   jenfasizza li l-awtonomija ta’ dawk li jgħixu fil-faqar li qed jesperjenzaw id-diskriminazzjoni hija essenzjali. L-awtodeterminazzjoni sħiħa tirrikjedi l-libertà tal-għażla. B'mod ġenerali, l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni tinvolvi fattur deċiżiv: li l-individwi jkollhom il-qawwa, l-istrumenti u s-setgħa li jfasslu l-futur tagħhom. Huwa għalhekk li l-politika kollha kemm hi bl-oqsma speċjalizzati ta’ azzjoni tagħha għandha tgħin lill-persuni kkonċernati jiżviluppaw il-kapaċità li jiddeċiedu dwar il-futur tagħhom, u dan fil-qafas tal-istat tad-dritt;

2.17   jinsab konvint li r-Roma m'għandhomx jingħataw drittijiet speċjali iżda li hemm bżonn ta’ rispett sħiħ taċ-ċittadinanza Ewropea tagħhom filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali kollha tal-UE tagħhom u d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini, li jiġi żgurat li dawn id-drittijiet jiġu rispetti u li jiġi ppenalizzat kwalunkwe nuqqas f'dan ir-rigward, speċjalment fil-każijiet fejn il-persuni inkarigati mill-infurzar tal-liġi jaġixxu b'mod inġust u diskriminatorju;

2.18   jindika li fost ir-Roma, in-nisa, it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità jiġu esklużi b'mod sproporzjonat u li l-kriżi soċjali u ekonomika tkompli taggrava dawn il-fenomeni negattivi;

2.19   jinsab konvint li din is-sitwazzjoni problematika tista' tinbidel biss permezz ta’ programm strateġiku integrat, ikkoordinat u koerenti, kif ukoll permezz ta’ approċċ sod u sistemiku fil-politiki kollha; jinsab ferħan li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE (inkluż il-KESE) qed jaħdmu mal-gvern Ungeriż, li bħalissa għandu l-Presidenza tal-Kunsill, sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ġenerali meħtieġa biex tinstab soluzzjoni għall-problema u jirrakkomanda li matul il-Presidenza Pollakka ssir Konferenza tal-Ministri dwar l-esperjenzi u r-riżultati li nkisbu fil-qasam.

3.   Rakkomandazzjonijiet ta’ politika  (12)

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW:

3.1   jinnota li l-approċċ tradizzjonali lejn id-definizzjoni tal-grupp tar-Roma huwa bbażat fuq il-perċezzjonijiet tal-maġġoranza dwar min huma r-Roma. Dan l-approċċ jista' jkun utli, pereżempju mil-lat tar-riċerka, u mod effikaċi ta’ kif tiġi vvalutata n-natura tal-esklużjoni soċjali, iżda kwalunkwe metodu ta’ identifikazzjoni tar-Roma bbażat fuq il-karatteristiċi razzjali esterni jmur kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u b'mod partikolari kontra d-dritt li wieħed jiddefinixxi l-identità tiegħu stess, u dan la jagħmel sens u lanqas ma huwa politikament sostenibbli;

3.2   jirrakkomanda li għall-kuntrarju tal-approċċi tradizzjonali, l-Istati Membri, filwaqt li jirrispettaw il-valuri fundamentali tal-istrateġija ta’ qafas adottata, jissodisfaw ukoll ir-rekwiżit “espliċitu iżda mhux esklussiv” tal-għaxar prinċipji bażiċi adottati mill-Pjattaforma Ewropea integrata għall-inklużjoni tar-Roma. B'konformità mal-erba' oqsma ta’ azzjoni enfasizzati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (edukazzjoni, impjieg, saħħa, djar), huma għandhom jabbinaw flimkien tliet angoli ta’ politika li jikxfu n-natura tal-probemi u l-għażliet ta’ azzjoni li jeżistu u li flimkien jiffurmaw it-tliet pilastri ta’ politika realistika u fattibbli għall-integrazzjoni tar-Roma:

a)

politika inklużiva li ma tiddiskriminax skont ir-razza u l-etniċità - li tindirizza l-konċentrazzjoni ta’ problemi soċjali u tnaqqas il-faqar u d-deprivazzjoni estremi;

b)

politika li tappoġġja l-awtonomija ta’ dawk li jqisu ruħhom membri ta’ kwalunkwe komunità ta’ Roma u ċ-ċelebrazzjoni tal-inklużjoni soċjali li kisbu;

c)

politiki ġenerali u pubbliċità kontra r-razziżmu;

3.3   politika inklużiva li ma tiddiskriminax skont ir-razza u l-etniċità – aċċess universali, indirizzar tal-konċentrazzjoni ta’ problemi ta’ esklużjoni u tnaqqis tal-faqar u d-deprivazzjoni estremi;

3.3.1

minflok ma tiffoka fuq il-karatteristiċi etniċi u razzjali, politika tal-integrazzjoni mhux diskriminatorja għandha tittratta l-problemi marbuta mal-esklużjoni soċjali irrispettivament mill-karatteristiċi razzjali, pereżempju fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjieg, (inkluż forom differenti ta’ impjieg bħall-intraprenditorja, l-impjieg indipendenti eċċ.), is-saħħa u d-djar kif indikat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Hija għandha tikkunsidra ż-żoni ġeografiċi li fihom hemm l-iktar żvantaġġi soċjoekonomiċi indipendentement mill-grupp ta’ persuni esklużi, tkun xi tkun il-kompożizzjoni tiegħu (etnika jew oħra), u, abbażi tal-linji gwida tal-Istrateġija Ewropa 2020 hija għandha tqis bħala prijorità s-sejba ta’ soluzzjoni ta’ żewġ problemi speċifiċi;

3.3.2

l-ewwel prijorità hija l-implimentazzjoni konsistenti tal-kriterji ta’ “aċċess sħiħ”. L-“aċċess sħiħ” jimplika, minbarra t-tneħħija tal-effetti diskriminatorji fil-livell ġuridiku, l-aċċessibilità fiżika u l-użu, l-adattament għall-ħtiġijiet, l-aċċessibilità f'termini finanzjarji u r-rekwiżit ta’ kwalità li jikkorrispondi għall-istandards. Minbarra t-tneħħija tal-ostakli legali, l-objettiv huwa li jitwasslu servizzi pubbliċi fiż-żoni residenzjali fejn ir-rata tal-popolazzjoni tar-Roma hija għolja, u li jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-qasam tat-trasport biex wieħed ikollu aċċess għal dawn l-istituzzjonijiet u s-servizzi, li l-popolazzjoni tar-Roma għandha d-dritt tirrikorri għalihom minħabba s-sitwazzjoni tagħha;

3.3.3

il-konċentrazzjoni tal-esklużjoni hija kkaratterizzata minn żewġ forom prinċipali: 1) il-konċentrazzjoni ġeografika u residenzjali u 2) f'termini istituzzjonajli fejn il-provvedituri tas-servizzi (inklużi dawk tas-servizzi pubbliċi) jaħdmu ma’ persuni esklużi (l-effett tas-segregazzjoni istituzzjonali);

3.3.4

huwa possibbli li titnaqqas il-konċentrazzjoni tal-esklużjoni, minn naħa billi jsir titjib iffukat b'mod speċjali fuq il-kundizzjonijiet istituzzjonali u l-ifqar kwartieri residenzjali u dawk li l-inqas jikkonformaw mal-istandards residenzjali u min-naħa l-oħra, billi jitnaqqsu l-każijiet ta’ iżolazzjoni permezz ta’ riformi li jippromovu l-integrazzjoni istituzzjonali bil-għan speċifiku li jissaħħu l-interazzjoni u l-kuntatti bejn il-persuni;

3.3.5

l-aċċess sħiħ huwa qasam essenzjali tal-objettivi fundamentali tal-Istrateġija ta’ Lisbona: għaldaqstant, l-attivitajiet relatati mas-suq tax-xogħol u ma’ aspetti soċjali oħra, it-tisħiħ tal-mobilità jew l-edukazzjoni għadhom prijoritajiet ewlenin. Id-dokumenti strateġiċi ta’ dawn l-aħħar snin enfasizza iktar minn qabel il-kwistjonijiet tas-saħħa u, b'mod partikolari tas-saħħa pubblika, kif ukoll il-politiki tad-djar u tal-iżvilupp urban, b'enfasi fuq l-eliminazzjoni ta’ djar iżolati, kampijiet u postijiet oħra ta’ segregazzjoni filwaqt li jiġu żviluppati ekonomiji lokali, inizjattivi komunitarji, intrapriżi indipendenti, żgħar u ta’ daqs medju u servizzi muniċipali mmexxija b'mod pubbliku jew privat (NGO). L-armonizzazzjoni bejn l-istrateġiji tal-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal u l-istrateġiji tar-Roma hija kwistjoni prijoritarja (l-appoġġ tal-aċċess għall-impjieg għall-ommijiet permezz tat-tisħiħ tar-responsabilità tal-komunità mill-edukazzjoni tat-tfal; l-iżgurar ta’ aċċess sħiħ għaċ-ċentri preskolari u ta’ tagħlim bikri, b'kunsiderazzjoni tas-sussidji u l-miżuri li jħeġġu l-edukazzjoni kif ukoll l-edukazzjoni kontinwa għat-tfal li l-ġenituri tagħhom jgħixu fil-faqar);

3.4   politika li tappoġġja l-awtonomija ta’ dawk li jqisu ruħhom membri ta’ kwalunkwe komunità ta’ Roma u ċ-ċelebrazzjoni tal-inklużjoni soċjali li kisbu;

3.4.1

huwa assolutament essenzjali li dawk li jaffermaw li għandhom l-istess identità jkunu jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom stess, jagħżlu triqithom flimkien mal-pari li jkunu għażlu u bħala komunità, li jkunu jistgħu jżommu l-lingwa, il-kultura, id-drawwiet, eċċ., li jikkostitwixxu l-bażi tal-identità tagħhom. Huwa għalhekk li l-istrateġija nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma għandha twitti triq għal dawk li jaffermaw li għandhom l-identità tar-Roma sabiex ikunu jistgħu jwaqqfu l-komunitajiet, il-fora pubbliċi (mezzi tax-xandir) u l-organizzazzjonijiet tagħhom, u jkunu jistgħu jiżguraw li dawn jaħdmu bħal fil-każ ta’ kull grupp li jinsab f'minoranza u jsofri minn esklużjoni soċjali. Daqstant ieħor huwa importanti li l-organizzazzjonijiet tar-Roma, governattivi u mhux governattivi, ikollhom l-istess skop fil-qasam tal-organizzazzjoni bħal minoranzi etniċi oħra u fejn adegwat u proporzjonat għall-popolazzjoni tagħhom, l-istess appoġġ finanzjarju bħal minoranzi etniċi oħra.

3.4.2

sabiex dan ikun jista' jseħħ hemm bżonn li l-interkulturaliżmu, interazzjoni u komunikazzjoni ħajjin li jimxu f'żewġ direzzjonijiet - f'termini ta’ prinċipji, teorija u prattiki komunitarji u istituzzjonali tajba fl-Ewropa - isiru fattur reali tal-azzjoni u parti mill-ħajja ta’ kuljum;

3.4.3

l-element ewlieni tal-politika affermattiva huwa li dawk li jagħmlu parti minn minoranza jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom u li l-interessi tagħhom jiġu rrappreżentati. Jeħtieġ li nappoġġjaw l-istrumenti u l-approċċi li jgħinuhom jagħrfu l-iżvantaġġi soċjali tagħhom u li jwasslu għal reazzjoni politika biex jingħelbu dawn l-iżvantaġġi;

3.4.4

il-politika tal-awtonomija għandha tħaddan azzjonijiet affermattivi li jippromovu d-dħul fis-suq tax-xogħol tar-Roma, inkluż il-promozzjoni tagħhom f'pożizzjonijiet għolja fl-intrapriżi, l-amministrazzjoni pubblika, il-politika, il-mezzi tax-xandir, ix-xjenzi u l-arti filwaqt li tgħinhom jibdew l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju tagħhom.

3.5   Politika kontra r-razziżmu

3.5.1   Il-grupp fil-mira tal-istrateġija kontra r-razziżmu huwa s-soċjetà kollha kemm hi. Id-dimensjoni politika ta’ strateġija bħal din hija l-konvinzjoni li f'dinja dinamika, li qed tiżviluppa, ġusta u umana, il-bnedmin għandhom jiksbu posthom fis-soċjetà abbażi tal-kompetenzi u t-talenti tagħhom, u m'għandhomx ikunu l-vantaġġi jew l-iżvantaġġi li wirtu minn twelidhom li jiddeterminaw il-possibilitajiet ta’ suċċess tagħhom fil-ħajja. Bl-istess mod, huma m'għandhomx ibatu l-konsegwenzi negattivi tal-esklużjoni li tagħha huma l-vittmi. Il-karatteristiċi li persuna tiret u li ma tistax tbiddel, bħall-ġeneru, l-oriġini u r-reliġjon, ma jistgħux ikunu l-bażi ta’ diskriminazzjoni. Sabiex dawn il-prinċipji jitqiegħdu fil-prattika, l-iktar mezz b'saħħtu hija l-leġislazzjoni kontra d-diskriminazzjoni. L-implimentazzjoni sħiħa tal-leġislazzjoni Ewropea kontra d-diskriminazzjoni fil-livell nazzjonali, fl-oqsma differenti ta’ azzjoni u fis-sistemi regolatorji għandha wkoll tikkontribwixxi għal dan. Madankollu, din il-leġislazzjoni mhijiex b'saħħitha biss minħabba s-sanzjonijiet u l-effett disważiv tagħhom, iżda wkoll minħabba l-fatt li ċ-ċittadini li jirrispettaw il-liġi, li jikkostitwixxu l-maġġoranza f'soċjetà demokratika, jagħmlu ħilithom biex jgħixu fir-rispett tal-ispirtu u l-interpretazzjoni litterali tal-liġi;

3.5.2   billi huwa iktar diffiċli li wieħed “jiddisswadi” lill-persuni jew li jbegħidhom mill-preġudizzji tagħhom u r-razziżmu permezz ta’ argumenti razzjonali, il-politiki kontra r-razziżmu huma bbażati prinċipalment fuq mudelli ta’ mġiba u tendenzi ta’ komunikazzjoni li jxerrdu immaġni pożittiva ta’ mudelli mhux vjolenti ta’ komunikazzjoni, ta’ kooperazzjoni u ta’ sejbien ta’ soluzzjoni għall-problemi abbażi ta’ interessi razzjonali; filwaqt li jikkundannaw imġiba aggressiva u razzista bbażata fuq il-preġudizzji u l-mibegħda. F'dan ir-rigward, il-persuni li jiffurmaw l-opinjoni pubblika, b'mod partikolari l-klassi elitista politika u medjatika, għandhom responsabilità partikolari.

3.6   It-tisħiħ tan-natura “fattwali” tal-istrateġija

3.6.1   Matul l-aħħar għoxrin sena, l-UE rnexxielha tagħmel progress kbir fid-diversi oqsma ta’ politika f'termini ta’ valutazzjoni oġġettiva tal-esklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-esklużjoni, u integrat ir-riżultati ta’ din il-valutazzjoni fil-politiki soċjali. Id-disponibbiltà tad-data hija prerekwiżit essenzjali biex ikunu jistgħu jiġu applikati u vvalutati l-politiki adegwati. Minkejja l-isforzi li saru sa issa, għad hemm nuqqas kbir ta’ data, kemm dwar il-popolazzjoni sħiħa kif ukoll dwar il-gruppi fil-mira. Fid-dawl tal-objettivi tal-istrateġija, huwa importanti li jsir progress fl-oqsma li ġejjin:

3.6.2   “politika inklużiva li ma tiddiskriminax skont ir-razza u l-etniċità”: fl-iżvilupp li jsir ta’ metodi ta’ valutazzjoni tad-diversi forom ta’ faqar u ta’ deprivazzjoni, jeħtieġ li jsiru sforzi biex titkejjel il-konċentrazzjoni tal-esklużjoni u li jiġi enfasizzat l-impatt tal-miżuri li ttieħdu skont il-politiki kkonċernati. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Eurostat u l-uffiċċji tal-istatistika tal-Istati Membri jżidu mal-indikaturi tal-esklużjoni indikaturi tal-faqar u tal-esklużjoni estremi, u li jiżviluppaw il-prinċipji ta’ metodu ta’ kwantifikazzjoni u pproċessar tal-istatistika li jkejjel il-faqar u d-deprivazzjoni estremi;

3.6.3   abbażi ta’ dan, l-Istati Membri fl-istrateġiji tagħhom għandhom jidentifikaw l-unitajiet territorjali (agglomerazzjonijiet, mandraġġi, subborgi, kampijiet, kwartieri iżolati, żoni rurali eċċ) ikkaratterizzati minn livell partikolarment għoli ta’ konċentrazzjoni ta’ tipi ta’ esklużjoni u ta’ esklużjoni estrema fiż-żona residenzjali, indipendentement mill-fatt jekk dawn iż-żoni jitqisux jew le, mill-opinjoni pubblika, bħala abitati mir-Roma. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Isati Membri jfasslu strateġiji ta’ ppjanar urban bil-għan li jeliminaw dawn iż-żoni jew li jagħmluhom postijiet abitabbli, u jistabbilixxu mekkaniżmi bbażati fuq l-evidenza li hija meħtieġa għall-monitoraġġ ta’ dawn l-istrateġiji.

3.6.4   “Il-politika tal-awtonomija tar-Roma”: id-dgħufijiet u l-iżvantaġġi jistgħu jiġu identifikati biss jekk dawk li jaffermaw l-identità etnika tagħhom jitolbu huma stess li jitniżżlu fir-reġistri pubbliċi bħala membri ta’ minoranza. Madanakollu jekk dan ma jseħħx, ikun hemm bżonn li tiġi pprojbita, b'mod kategoriku u determinat, kwalunkwe referenza għal karatteristiċi razzjali fir-reġistri nazzjonali. Fid-dawl tan-natura partikolarment sensittiva tad-data dwar il-minoranzi etniċi, jeħtieġ li jiġu żgurati b'kull mezz possibbli, minn naħa il-protezzjoni massima tad-data personali, u mill-oħra, it-tixrid massimu tad-data miġbura dwar il-minoranzi.

3.6.5   flimkien mat-tnaqqis tal-esklużjoni u tal-faqar u mal-eliminazzjoni tal-iktar forom estremi tagħhom, il-Kumitat jissuġġerixxi li jingħata appoġġ għal programmi lingwistiċi, kulturali, edukattivi u komunitarji għall-iżvilupp tal-komunità tar-Roma meta dawn ikunu jistgħu verament jilħqu lir-Roma;

3.6.6   “Il-politika kontra r-razziżmu”: fuq il-bażi tar-riċerka li saret fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, ikun tajjeb li jiġi permess il-monitoraġġ tat-tibdil fil-preġudizzji relatati mar-Roma, l-okkorrenza tagħhom fid-diversi gruppi tal-popolazzjoni u tal-impatti tal-politiki dwar l-iżvilupp tal-preġudizzji etniċi u r-razziżmu. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti programmi ta’ sensibilizzazzjoni tal-pubbliku bil-għan li jiġġieldu kontra l-attitudnijiet ta’ esklużjoni u l-preġudizzji razzisti fil-popolazzjoni. Barra minn hekk, ikun tajjeb li jiġi żgurat li dawn jiġu monitorjati regolarment;

3.6.7   nirrakkomandaw bis-sħiħ mhux biss il-monitoraġġ tat-tendenzi tal-preġudizzju u r-razziżmu iżda wkoll l-impatti pożittivi u l-benefiċċji soċjali tal-inizjattivi pubbliċi u tas-soċjetà ċivili, il-prattiki tajbin bil-għan li jitnaqqsu l-preġudizzji kontra r-Roma u l-ksenofobija u għat-titjib tal-integrazzjoni interkulturali u inklużiva.

3.7   Aspetti ta’ interess ġenerali fl-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali

3.7.1   Kumplessità: il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa meħtieġ li jiġu żviluppati, f'firxa kbira ta’ oqsma, miżuri għat-tisħiħ tar-rwol tar-Roma fis-soċjetà, għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom u l-promozzjoni tal-integrazzjoni tagħhom; dawn il-miżuri għandhom jilħqu l-livell tal-politiki sistematiċi. Biex dan iseħħ, hemm bżonn li jiġu abbinati flimkien l-elementi ta’ oqsma differenti ta’ politika, li jiġu organizzati relazzjonijiet intersettorjali ta’ governanza tajba u li l-implimentazzjoni sistematika tibda fil-livell politiku. Dan jirrikjedi li kull min hu involut fl-implimentazzjoni jadotta approċċ uniku u ppjanat;

3.7.2   l-elementi kollha tal-programmi għandhom ikunu marbuta b'mod koerenti (koerenza) u integrati (konsistenza). It-tielet aspett essenzjali tal-implimentazzjoni huwa l-ippjanar u t-twaqqif ta’ prijoritajiet (sekwenzjalità), jiġifieri l-miri realistiċi jistgħu jintlaħqu biss jekk isir avvanz minn stadju ppjanat tajjeb għal ieħor u permezz ta’ komponenti suċċessivi. Dan jirrikjedu awtorità ta’ koordinazzjoni b'kompetenzi adegwati u li tiffunzjona kif suppost.

3.7.3   il-politiki tal-integrazzjoni għandhom jiġu ppjanati u implimentati b'enfasi fuq il-bżonnijiet reali u b'mod differenzjat u flessibbli li jippermetti li jitqiesu l-fatturi lokali (reġjonali) speċifiċi bl-aħjar mod possibbli. L-istrateġiji ta’ integrazzjoni għandhom jiġu ppjanati u implimentanti fi proċess li jimxi f'żewġ direzzjonijiet abbażi ta’ sforzi u influwenzi reċiproki u bil-għan li minnhom jibbenefika kulħadd;

3.7.4   prerekwiżit essenzjali għall-użu tas-sejħiet għall-offerti u tal-fondi tal-UE hija s-simplifikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-proċeduri tas-sejħiet u r-rappurtar. Implimentazzjoni mfassla bir-reqqa għandha tpoġġi enfasi mistħoqqa fuq il-bini tal-kapaċità, koordinazzjoni adegwata u l-appoġġ tar-rieda tal-impenn politiku; l-involviment tar-rappreżentanti tal-partijiet interessati fil-proċess tal-ippjanar huwa kruċjali wkoll;

3.7.5   implimentazzjoni bbażata fuq data tanġibbli – indikaturi: il-politiki pubbliċi għandhom juru b'mod ċar u verifikabbli l-effikaċja tagħhom, jiġifieri li huma effikaċi fid-dawl tal-objettiv stipulat fil-bidu. Politika m'għandhiex tikkawża ħsara u riskji ikbar mill-elementi li suppost tipprovdi ħarsien minnhom u lanqas m'għandha tkun tiswa ħafna bla bżonn. Huwa għalhekk li saru sforzi kbar – iżda mhux biżżejjed – biex din il-politika tkun iktar ibbażata fuq data tanġibbli. Fil-qasam tal-integrazzjoni tar-Roma, huwa partikolarment essenzjali li l-programmi, kif ukoll il-politika kollha kemm hi, ikunu jistgħu jiġu vvalutati: għaldaqstant, għandhom jiġu promossi, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE, il-kultura tal-valutazzjoni, it-tisħiħ tas-sistema ta’ rekwiżiti tagħha, l-istabbiliment standardizzat ta’ indikaturi tal-prestazzjoni soċjoekonomiċi u tal-istatistika soċjali adegwati, li dejjem jiġu applikati għall-grupp rilevanti li jkun qed jiġi mmirat, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ strument istituzzjonali ta’ valutazzjoni bbażat fuq ix-xjenza. Għandu jkun hemm fondi adegwati għal dan;

3.7.6   filwaqt li jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma sal-2020 u ta’ politiki nazzjonali li jikkontribwixxu għal dan, il-KESE jixtieq jieħu sehem fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni ta’ dawn il-politiki fuq il-bażi tal-mandat tiegħu mis-soċjetà ċivili u fid-dawl tar-rabtiet inerenti bejnu u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Istati Membri. Huwa beħsiebu jinvolvi ruħu fil-medjazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u tas-soċjetà ċivili organizzata u jipparteċipa bħala msieħeb attiv fil-Pjattaforma Ewropea integrata għall-inklużjoni tar-Roma u anki f'forom oħra ta’ djalogu strutturat;

3.7.7   parteċipazzjoni u rappreżentanza: politika ta’ integrazzjoni ma sservi għal xejn, la fit-teorija u lanqas fil-prattika, mingħajr il-parteċipazzjoni intensiva tal-partijiet ikkonċernati. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu evitati proċeduri paternalistiċi li jillimitaw id-drittijiet. Fl-istess waqt huwa xieraq li tiġi żgurata parteċipazzjoni mill-qrib u varjata tal-organizzazzjonijiet lokali tar-Roma, tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili lokali, ta’ speċjalisti xjentifiċi u tal-imsieħba soċjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ, kif tistqarr il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha u dokumenti rilevanti oħra. Fiż-żoni kkonċernati, il-miżuri pożittivi li jiżguraw il-parteċipazzjoni fil-politika tal-gruppi partikolarment żvantaġġjati (in-nisa, in-nisa li jrabbu lil uliedhom waħedhom, il-persuni b'lingwa materna barranija, il-persuni b'diżabilità, eċċ.) huma ta’ importanza essenzjali.

3.7.8   il-validità, il-kredibilità u l-effikaċja tal-politiki huma essenzjalment marbuta mal-involviment u mas-sens ta’ sjieda tal-benefiċjarji ewlenin tagħhom. Proprju għalhekk jeħtieġ li r-rappreżentanti tal-komunità tar-Roma jiġu inklużi fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ politiki relatati mal-integrazzjoni tar-Roma, fil-livell Ewropew, f'dak nazzjonali, iżda wkoll, naturalment, f'dak lokali (l-inklużjoni permezz tal-parteċipazzjoni).

3.7.9   l-esklużjoni soċjali u l-forom estremi tagħha sikwit jimxu id f'id – b'modi differenti minn Stat Membru għall-ieħor – bi mġiba, modi ta’ għajxien u drawwiet li huma differenti mir-regoli soċjali segwiti mill-maġġoranza tal-popolazzjoni (eż. l-ivvjaġġar, l-attivitajiet speċifiċi bħall-ġbir u l-bejgħ ta’ oġġetti użati u impjiegi artiġjanali partikolari). Hemm bżonn li tingħata attenzjoni speċjali lil dawn il-karatteristiċi speċifiċi huma u jitfasslu l-istrateġiji nazzjonali. Madankollu, xi drabi attitudnijiet attribwiti lil grupp etniku jkunu għalkollox devjanti u kriminali. L-iżgurar ta’ koabitazzjoni paċifika ta’ normi kulturali opposti u ħidma kontinwa sabiex it-tensjonijiet u l-antagoniżmu li ġejjin minn differenzi fl-attitudni u l-imġiba fil-limiti tal-qafas legali għandhom ikunu l-għanijiet li jiddefinixxu n-natura inklużiva speċifika tal-istrateġiji nazzjonali, u fl-istess waqt ikunu l-isfida li jridu jirbħu. Għaldaqstant, huwa importanti li jiġi previst spazju ta’ komunikazzjoni miftuħa u proċeduri aċċessibbli anki għall-partijiet interessati ewlenin u f'dan il-kuntest, l-esperti tal-multikulturaliżmu inklużi nies ta’ oriġini tar-Roma jew b'identità tar-Roma – u l-ħaddiema soċjali ser ikollhom rwol ewlieni, kemm fil-livell tas-servizzi pubbliċi kif ukoll f'dak tal-programmi komunitarji (medjazzjoni, prevenzjoni, servizzi ta’ rikonċiljazzjoni eċċ) kif indikat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni.

3.8   Prospetti għall-futur

3.8.1   Il-KESE jemmen li permezz tal-isforzi konġunti tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-gvernijiet, tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali, l-UE tinsab f'mument ta’ bidla storika: il-mument fejn x'aktarx se tinħoloq politika favur il-grupp etniku tal-UE l-iktar eskluż u l-iktar żvantaġġjat, ibbażata fuq approċċ komuni li x'aktarx mhuwiex se jwassal għal fallimenti li jiswew ħafna flus iżda għal riżultati intelliġenti u umanistiċi. Il-Kumitat jixtieq jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu għal dan il-proċess u l-implimentazzjoni tiegħu.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Dan id-dokument huwa bbażat fuq id-definizzjoni stabbilita fl-opinjoni tal-KtR dwar “L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa” (ĠU C 42, 10.2.2011, p.23): “…it-terminu ‘Roma’ kif qed jintuża f'dan id-dokument jiġbor fih gruppi oħra ta’ popolazzjonijiet b'karatteristiċi kulturali simili u storja ta’ marġinalità u esklużjoni soċjali fis-soċjetà Ewropea (Sinti, Żingari, Travellers, Kalè, Camminanti, Ashkali, eċċ)”.

(2)  COM(2011) 173 finali.

(3)  COM (2010) 133 finali.

(4)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa” (ĠU C 42, 10.2.2011, p.23).

(5)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 88-94.

(6)  ĠU C 48, 15.2.2011, p.1.

(7)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 19–27.

(8)  Parlament Ewropew, INI/2010/2276, 24.11.2010.

(9)  B'mod partikolari fir-rigward tal-: “immirar espliċitu iżda mhux esklussiv”, l-“approċċ interkulturali” u “li tintlaħaq il-ġeneralizzazzjoni”.

(10)  Il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali/il-Bank Dinji u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp.

(11)  “Il-maġġoranza tar-Roma li huma fl-età tal-impjieg m'għandhomx il-livell ta’ edukazzjoni li hemm bżonn sabiex jipparteċipaw b'suċċess fis-suq tax-xogħol. (…) B'riżultat ta’ dan, il-pajjiżi Ewropew qed jitilfu kull sena mijiet ta’ miljuni ta’ euro fi produttività u kontribut fiskali lill-gvernijiet. (…) Id-dħul annwali mit-taxxi li jirriżulta jekk titneħħa din il-lakuna fl-impjieg huma ogħla mill-ispejjeż totali fl-investiment tal-edukazzjoni pubblika għat-tfal kollha tar-Roma (…) Is-sehem tar-Roma fost il-popolazzjoni ta’ dawk li huma fl-età tal-impjieg ser jiżdied hekk kif il-maġġoranza tal-popolazzjonijiet fl-Ewropa tal-Lvant u Ċentrali jkompli jixjieħu b'mod rapidu. Parteċipazzjoni ugwali fis-suq tax-xogħol min-naħa tar-Roma hija essenzjali sabiex ikunu jistgħu jinġarru l-ispejjeż nazzjonali li qed ikomplu jiżdiedu tal-pensjonijiet, tas-saħħa u tat-tixjiħ.”“Economic costs of Roma exclusion” (L-ispejjeż ekonomiċi tal-esklużjoni tar-Roma), il-Bank Dinji, 2010.

(12)  Din il-parti tressaq rakkomandazzjonijiet dwar il-politiki kollha b'mod ġenerali jew il-kuntest tagħhom iżda, għal raġunijiet ta’ spazju, ma tistax tittratta fid-dettall il-kwistjonijiet relatati ma’ kull politika.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/22


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Kif il-politiki tal-UE affettwaw l-opportunitajiet ta’ xogħol, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport” (Opinjoni esploratorja)

2011/C 248/04

Relatur: is-Sur MORDANT

Nhar is-17 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Kif il-politiki tal-UE affettwaw l-opportunijiet ta’ xogħol, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju (seduta tal-15 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 150 voti favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

Is-settur tat-trasport ser jiffaċċja numru ta’ sfidi fil-futur qarib, bħall-iskarsezza tar-riżorsi ta’ petrol u ż-żieda possibbli fil-prezzijiet tal-petrol, il-bżonn ta’ progress f'termini ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-esiġenza ta’ kontribut għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-transizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, kif ukoll it-tixjiħ tal-popolazzjoni bl-impatt li dan ser ikollu, minn naħa waħda, fuq id-disponibbiltà ta’ persunal kwalifikat u, min-naħa l-oħra, fuq il-bżonnijiet differenti ta’ mobbiltà. Dawn l-iżviluppi qed jiġu kkunsidrati fl-opinjoni tal-KESE.

1.   Rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-settur tat-trasport, bħala sors importanti ta’ impjieg li jirrappreżenta 4,4 % tal-forza tax-xogħol totali tal-UE, joffri potenzjal kbir għall-impjieggħall-Ewropa fil-futur. Huwa wkoll vitali għall-iżvilupp ekonomiku tal-Ewropa, il-mobbiltà taċ-ċittadini, l-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni ekonomika u soċjali Ewropea.

1.2   Il-KESE jirrakkomanda li n-nisa u l-ħaddiema żgħażagħ għandhom jinġibdu lejn l-opportunitajiet tax-xogħol fis-settur tat-trasport permezz ta’ miżuri li jtejbu l-kwalità tal-impjiegi fil-modi kollha tat-trasport, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, l-opportunitajiet tal-karriera u s-saħħa u s-sigurtà fit-tħaddim u fuq il-post tax-xogħol u li jikkontibwixxu għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

1.3   Il-KESE jirrakkomanda li – bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea – il-modi kollha tat-trasport għandhom jikkunsidraw l-opportunitajiet ta’ taħriġ eżistenti u janalizzaw il-ħtieġa ta’ taħriġ fil-ġejjieni fil-livell nazzjonali u reġjonali u fil-livell tal-kumpaniji. Huwa importanti li tingħata attenzjoni partikolari lit-taħriġ kontinwu (taħriġ tul il-ħajja).

1.4   Il-KESE huwa tal-fehma li għandha tiġi żgurata provvista suffiċjenti ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja fl-istituzzjonijiet ta’ taħriġ u/jew fuq il-post tax-xogħol, ħaġa li titlob kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali, ir-reġjuni u l-istituzzjonijiet ta’ taħriġ fil-modi kollha tat-trasport. Il-KESE jirrakkomanda wkoll bis-sħiħ li jkun hemm kooperazzjoni bejn iċ-ċentri ta’ taħriġ f'livell Ewropew. Fil-fehma tal-KESE, l-apprendisti m'għandhom iġorru l-ispejjeż tal-ebda taħriġ vokazzjonali. Dan jgħodd b'mod partikolari għall-għan ta’ promozzjoni ta’ karriera fis-settur tat-trasport.

1.5   Il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ leġislazzjoni tal-UE dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-liċenzji għall-persunal abbord il-ferroviji u għall-ekwipaġġ tal-kabini fl-ajruplani, bħala mezz kif jiġu żgurati impjiegi ta’ kwalità, il-kwalità tas-servizzi, is-sigurtà u l-iffaċilitar tal-mobbiltà tal-ħaddiema madwar l-Ewropa.

1.6   Il-KESE jqis id-Direttiva 2003/59/KE bħala eżempju pożittiv u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra aktar leġislazzjoni dwar it-taħriġ obbligatorju u t-taħriġ kontinwu għal modi oħra tat-trasport.

1.7   Sabiex it-trasport jiġi promoss bħala professjoni, il-KESE jirrakkomanda azzjonijiet ikkoordinati f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jispjegaw is-settur tat-trasport u jippromovu d-diversi professjonijiet tiegħu, pereżempju fl-iskejjel.

1.8   Il-KESE jenfasizza li s-suċċess ta’ kemm in-nisa jinġibdu lejn il-professjonijiet fis-settur tat-trasport jiddependi ħafna minn inċentivi li ser jaddattaw l-industrija tat-trasport għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-ħaddiema nisa. Jirrakkomanda li s-settur tat-trasport u l-kumpaniji differenti tiegħu għandhom jiżviluppaw politiki li jħeġġu lin-nisa jaħdmu fis-settur.

1.9   Fir-rigward tat-tibdil demografiku u t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol, il-KESE jirrakkomanda li s-settur u l-kumpaniji tiegħu għandhom janalizzaw l-istruttura tal-età tal-persunal u l-ħtiġijiet tal-impjiegi tagħhom fil-ġejjieni sabiex jiżviluppaw it-taħriġ, l-organizzazzjoni tax-xogħol u miżuri maħsuba biex itejbu s-saħħa fuq il-post tax-xogħol li jkunu adattati għall-ħtiġijiet ta’ gruppi ta’ etajiet differenti.

1.9.1   Il-KESE jirrakkomanda wkoll li titqiegħed enfasi akbar fuq l-offerta ta’ opportunitajiet ta’ karriera lill-ħaddiema fis-settur tat-trasport sabiex is-settur isir aktar attraenti għaż-żgħażagħ.

1.9.2   Il-KESE jirrakkomanda li s-settur marittimu għandu jippromovi ċ-ċaqliq mill-funzjoni ta’ baħri lejn l-istatus ta’ uffiċjal.

1.9.3   Il-KESE jirrakkomanda li s-settur tat-trasport pubbliku għandu jagħmel sforzi akbar biex jipprovdi opportunitajiet ta’ karriera għax-xufiera tal-karozzi tal-linja, bħal pożizzjonijiet ta’ tmexxija ta’ tim u fl-ippjanar tat-traffiku.

1.10   Il-KESE jqis is-sigurtà personali tal-ħaddiema tat-trasport u l-passiġġieri u l-prevenzjoni tal-attakki fiżiċi u tal-vjolenza bħala sfida kbira u jirrakkomanda bis-sħiħ politika ta’ tolleranza żero kontra l-vjolenza.

1.10.1   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miżuri ta’ prevenzjoni fil-qasam tal-infrastruttura, pereżempju biżżejjed żoni siguri ta’ parkeġġ li jkunu affordabbli u ta’ kwalità fit-trasport tal-merkanzija bit-triq u stazzjonijiet tal-ferrovija, tal-underground, tat-tramm u tal-linja li jkunu ta’ kwalità tajba. L-UE għandha tipprovdi appoġġ finanzjarju għal dawn il-miżuri tal-infrastruttura.

1.10.2   Il-KESE jirrakkomanda li għandu jiġi impjegat biżżejjed persunal ikkwalifikat u mħarreġ tajjeb fl-istazzjonijiet u abbord it-trasport pubbliku bħala miżura ta’ prevenzjoni kontra l-vjolenza.

1.10.3   Il-KESE jirrakkomanda li titwaqqaf Aġenzija għas-Sigurtà fit-Toroq.

1.11   B'kunsiderazzjoni tal-Artikolu 9 tat-Trattat ta’ Lisbona u l-Karta tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippromovi politika soċjali dwar it-trasport. Il-KESE huwa tal-fehma li jekk jiġu proposti aktar passi lejn il-liberalizzazzjoni, dan għandu jsir biss wara li ssir analiżi serja tal-konsegwenzi soċjali tal-passi lejn il-liberalizzazzjoni li ttieħdu qabel u valutazzjoni sinifikanti tal-impatt soċjali u wara li tingħata garanzija inerenti li l-kompetizzjoni mhijiex ibbażata fuq spejjeż operattivi aktar baxxi iżda fuq il-kwalità tas-servizzi.

1.11.1   Il-KESE jirrakkomanda li, fil-każ ta’ offerti kompetittivi pereżempju għas-servizzi ta’ assistenza fuq l-art fl-ajruporti jew it-tipi kollha ta’ servizzi tat-trasport pubbliku, għandhom jiġu garantiti s-sigurtà tal-impjiegi permezz ta’ trasferiment obbligatorju tal-persunal lejn operaturi ġodda u s-salvagwardjar tal-livell tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-salarji permezz taż-żamma tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet kollettivi fis-seħħ fil-post fejn issir il-kunsinna tas-servizz (1). Sabiex dan ikun jista' jsir, il-KESE jirrakkomanda li tiddaħħal klawżola soċjali.

1.11.2   Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, inklużi Blokok ta’ Spazju tal-Ajru Funzjonali u r-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), il-KESE jappella lill-Istati Membri sabiex iniedu konsultazzjoni sinifikanti mal-imsieħba soċjali u mal-partijiet interessati l-oħrajn kollha sabiex jittieħdu miżuri bilanċjati biex dawn l-għanijiet jinkisbu filwaqt li jiġi evitat li ħaddiema jitilfu l-impjieg tagħhom.

1.12   Il-KESE huwa tal-fehma li l-leġislazzjoni soċjali fil-qasam tat-trasport għandha tiġi mmonitorjata u infurzata b'mod effettiv u li l-ksur għandu jiġi sanzjonat b'mod effettiv permezz ta’ regoli armonizzati. Għandhom jissaħħu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar rilevanti u hemm bżonn ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar.

1.13   Il-KESE jirrakkomanda li tiġi introdotta leġislazzjoni tal-UE dwar il-verifika regolari tal-ħin tax-xogħol u tal-mistrieħ għall-ħaddiema mobbli tal-ferrovija li huma involuti f'servizzi ta’ trasport transkonfinali. Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema jiġu infurzati aħjar, b'mod partikolari fil-każ tal-kabotaġġ fit-trasport bit-triq.

1.14   Il-KESE jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lil dawk il-fatturi li jippromovu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ħaddiema mobbli fl-industrija tat-trasport. Il-leġislazzjoni soċjali għall-industrija tat-trasport għandha tittejjeb fir-rigward tal-ħin tax-xogħol.

1.14.1   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu introdotti miżuri leġislattivi komplementari dwar standards ta’ tgħammir bl-ekwipaġġ abbord bastimenti marittimi u fil-passaġġi tal-ilma interni sabiex ikunu garantiti l-kwalità u s-sigurtà.

1.14.2   Il-KESE jirrakkomanda li l-iskemi tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (SAG) jintużaw aħjar u b'mod aktar strett fis-settur marittimu, billi tissaħħaħ ir-rabta bejn l-għoti ta’ sussidji pubbliċi jew eżenzjonijiet fiskali u kemm il-garanziji tal-impjiegi kif ukoll l-obbligi ta’ taħriġ.

1.14.3   Il-KESE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) għandhom iżidu l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati sabiex jitfasslu regoli dwar il-Limitu tal-Ħin tat-Titjiriet, li jkunu orjentati lejn is-sigurtà u jkunu bbażati fuq ix-xjenza, għall-ekwipaġġ tal-ajru.

1.14.4   Il-KESE jirrakkomanda leġislazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà speċifika għas-settur għall-modi differenti tat-trasport, billi l-leġislazzjoni ġenerali tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà ta’ sikwit ma tikkunsidrax il-kundizzjonijiet speċjali tas-settur tat-trasport.

1.14.5   Il-KESE huwa tal-fehma li hemm bżonn leġislazzjoni adatta sabiex ikun evitat li dawk li jħaddmu ma josservawx l-obbligi tagħhom b'rabta mal-kuntratti tax-xogħol.

1.15   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-djalogu soċjali. Fil-livell Ewropew, il-varji Kumitati tad-Djalogu Soċjali settorjali għandu jkollhom rwol aktar importanti fil-valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-proposti tal-Kummissjoni fi stadju bikri u għandhom jagħmlu l-kummenti u l-proposti tagħhom għall-modi differenti tat-trasport.

1.15.1   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport (DĠ Move), għandha tikkoopera b'mod aktar effettiv mal-Kumitati tad-Djalogu Soċjali settorjali u tikkunsidra l-għarfien espert tal-imsieħba soċjali sa mill-aktar stadji bikrija.

1.16   Il-KESE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet Ewropej u l-imsieħba soċjali Ewropej m'għandhomx biżżejjed statistika u studji komparattivi dwar l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-modi differenti tat-trasport. Għalhekk, il-KESE jappoġġja l-istabbiliment ta’ Osservatorju Soċjali, tal-Impjiegi u tat-Taħriġ fis-settur tat-trasport, li għandu jipprovdi informazzjoni sostanzjali għal valutazzjoni aħjar u evalwazzjoni ex post tal-impatt soċjali tal-miżuri politiċi tat-trasport, sabiex l-imsieħba soċjali Ewropej ikunu appoġġjati fid-djalogu soċjali settorjali Ewropew.

2.   Is-settur tat-trasport huwa sors importanti ta’ impjiegi għall-Unjoni Ewropea

2.1   Mil-lat kwantitattiv, l-impjiegi fis-suq tat-trasport huma sostanzjali u rrappreżentaw mad-9,2 miljun ħaddiem u 4,4 % tal-forza tax-xogħol totali tal-UE fl-2007. Dawn iċ-ċifri jinkludu pipelines, aġenziji / operaturi tal-ivvjaġġar u s-servizzi awżiljarji tat-trasport bħall-ġarr, il-ħżin u l-magażinaġġ tal-merkanzija.

2.2   Il-modi differenti tat-trasport jimpjegaw madwar 2,9 miljun ħaddiem fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, 1,9 miljun ħaddiem fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq, 864 000 ħaddiem fil-qasam ferrovjarju, 43 400 ħaddiem fil-qasam tat-trasport fil-passaġġi tal-ilma interni, 184 000 ħaddiem fil-qasam tat-trasport marittimu u 409 000 ħaddiem fil-qasam tal-avjazzjoni. Is-servizzi awżiljarji tat-trasport jimpjegaw madwar 2,3 miljun ħaddiem (2).

2.3   Bejn l-2004 u l-2007, l-ammont totali ta’ ħaddiema fis-settur tat-trasport żdied b'mod kostanti minn 8,6 miljun ħaddiem għal 9,2 miljun ħaddiem fis-27 Stat Membru tal-UE. Iż-żieda seħħet l-aktar fis-setturi tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri bit-triq u fil-qasam tas-servizzi awżiljarji. L-impjiegi fis-settur ferrovjarju kellhom tnaqqis kbir ta’ 117 000 ħaddiem, minn 981 848 ħaddiem fl-2004 għal 864 000 ħaddiem fl-2007 (3).

2.4   L-impjiegi fil-qasam tat-trasport kienu affettwati b'mod ħażin mill-kriżi ekonomika fl-2008 u fl-2009, b'mod partikolari fis-settur tat-trasport tal-merkanzija.

2.5   It-tendenzi tal-impjiegi fil-ġejjieni fis-settur tat-trasport jiddependu minn għadd ta’ fatturi bħall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi u kummerċjali, popolazzjoni li qed tixjieħ u t-tendenzi tal-mobblità tan-nies, l-iżviluppi teknoloġiċi, id-disponibbiltà u l-prezzijiet tal-enerġija, miżuri għat-trasport sostenibbli (bidla modali, jiġifieri l-użu tat-trasport pubbliku minflok l-użu ta’ karozza privata, sabiex ikun evitat it-trasport) (4), u modi alternattivi tat-trasport bħaċ-ċikliżmu (5).

3.   Il-karatteristiċi tal-impjiegi fis-settur tat-trasport: ftit li xejn attraenti – problema għall-ġejjieni

3.1   Is-settur tat-trasport m'għandux reputazzjoni impekkabbli bħala settur li jimpjega u l-impjiegi tiegħu huma pjuttost ikkunsidrati bħala mhux attraenti. L-analiżijiet settorjali li saru fil-qafas tal-Istħarriġ dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol Ewropej tal-2000 u tal-2005 tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tax-Xogħol u tal-Għajxien it-tnejn ikkonfermaw li s-settur tat-trasport jaqa' taħt il-kategorija tas-setturi l-anqas vantaġġużi fir-rigward tal-indikaturi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

3.2   L-indikaturi li ġew ivvalutati bħala anqas vantaġġużi fit-tielet Stħarriġ tal-2000 huma: il-kundizzjonijiet ċirkostanti, l-ergonomija, il-ħinijiet tax-xogħol li mhumiex standard, il-ħinijiet twal tax-xogħol, id-domanda kbira għax-xogħol, in-nuqqas ta’ kontroll fuq ix-xogħol, ix-xogħol li mhuwiex ta’ sengħa, flessibilità baxxa fix-xogħol u d-diskriminazzjoni.

3.3   L-indikaturi fir-raba' Stħarriġ tal-2005 (it-trasport fuq l-art biss) huma: il-ħinijiet tax-xogħol, il-ħinijiet tax-xogħol li mhumiex standard, il-bilanċ bejn il-ħinijiet tax-xogħol u l-impenji tal-familja jew soċjali, il-kontroll fuq ix-xogħol, ix-xogħol ta’ sengħa, il-vjolenza, l-istress, il-problemi muskolari u skeletriċi (6).

3.4   Il-biċċa l-kbira tal-impjiegi fis-settur tat-trasport jinvolvu l-mobbiltà (sewwieqa, piloti, ekwipaġġ abbord tas-setturi varji) jew jikkonċernaw xogħol marbut b'mod dirett mat-traffiku bħalma huwa l-kontroll tat-traffiku. “Is-sewwieqa u l-operaturi ta’ impjanti mobbli jirrappreżentaw l-akbar sehem ta’ impjegati fl-UE (45 % fl-2006)” (7). L-assenzi regolari u ħafna drabi fit-tul mid-dar, kif ukoll ix-xogħol regolari bix-xift, huma ta’ ħsara għat-talbiet tal-ħaddiema li kulma jmur qed jiżdiedu rigward bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Barra minn hekk, is-salarji huma baxxi fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-professjonijiet u impjiegi.

3.4.1   Il-KESE jqis li kundizzjonijiet skomdi ta’ mistrieħ ma jistgħux jitqiesu bħala sodisfaċenti u, għall-kuntrarju, iqis li fil-każijiet kollha għandu jsir sforz biex jinstabu kundizzjonijiet ta’ mistrieħ li jkunu sodisfaċenti għall-impjegati tal-modi kollha tat-trasport.

3.5   Is-settur huwa ddominat ferm mill-irġiel u jinsab fost is-setturi bl-ogħla segregazzjoni tas-sessi b'21,1 % biss ta’ ħaddiema nisa (82,2 % tal-ħaddiema huma rġiel fis-settur tat-trasport fuq l-art). Ir-riċerka wriet li żieda fl-impjieg tan-nisa ta’ sikwit twassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għaż-żewġ sessi.

3.6   It-trasport huwa bir-raġun ikkunsidrat bħala attività perikoluża. Is-sigurtà fit-tħaddim u dik fuq il-post tax-xogħol huma marbuta mill-qrib, b'mod partikolari għas-sewwieqa. L-inċidenti li jikkaġunaw imwiet jidħlu wkoll fid-diskussjoni għall-ħaddiema ta’ manutenzjoni (pereżempju, il-manutenzjoni tal-linji tal-ferrovija fis-settur ferrovjarju, it-tibdil tad-direzzjoni tal-ferroviji u l-inċidenti abbord tal-bastimenti). Barra minn hekk, hemm problema ta’ vjolenza u attakki fiżiċi (serq ta’ merkanzija fis-settur tat-trasport bit-triq, attakki fiżiċi fis-settur tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bit-triq u bil-ferrovija, u wkoll piraterija fis-settur tat-trasport marittimu).

3.7   Ix-xejra demografika fit-trasport hija preokkupanti. L-età medja tal-ħaddiema fit-trasport hija għolja. Ħafna ser jirtiraw minn hawn u għaxra sa għoxrin sena oħra. 17,5 % biss tal-forza tax-xogħol taqa' fi ħdan il-grupp ta’ etajiet bejn il-15 u d-29 sena u 57,5 % tal-forza tax-xogħol fis-settur għandha bejn it-30 u d-49 sena (2006) (8).

3.8   Ħafna mis-setturi diġà jirrappurtaw nuqqas serju ta’ ħaddiema, b'mod partikolari fir-rigward ta’ impjiegi mobbli. Fid-dawl tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-Ewropa u l-kompetizzjoni fost is-setturi u l-kumpaniji sabiex jiġbdu lejhom ħaddiema (żgħażagħ), dan ser joħloq problemi serji għas-settur tat-trasport fil-ġejjieni. Dan is-settur għandu jiġbed aktar ħaddiema billi joffri taħriġ attraenti, opportunitajiet ta’ karriera fl-istess settur u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol. Is-settur tat-trasport għandu jkollu l-għan li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ħaddiema żgħażagħ u tan-nisa sabiex jinkiseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. In-nisa jistgħu jiġu integrati aħjar fis-settur tat-trasport permezz ta’ azzjoni pożittiva, li tirrikjedi minn tal-inqas infrastruttura ġdida tas-sanità, kmamar fejn ibiddlu u akkomodazzjoni kif ukoll valutazzjoni aktar raġonevoli tal-ħin ta’ xogħol bla mistrieħ, l-istress u l-għeja b'relazzjoni ma’ kull mod tat-trasport.

4.   Il-ħtiġijiet ta’ kwalifiki u taħriġ – iżda wkoll opportunitajiet ta’ karriera

4.1   L-impjegati bi kwalifiki ta’ livell medju jirrappreżentaw l-ogħla sehem fis-settur tat-trasport u l-loġistika. Madwar l-UE, dawn jirrappreżentaw 58 %. Il-ħaddiema bi kwalifiki baxxi jirrappreżentaw 28 % tal-ħaddiema madwar l-UE b'mod ġenerali. Fl-Istati Membri l-ġodda, il-livell tal-kwalifiki huwa ogħla: 81 % tal-ħaddiema tat-trasport għandhom kwalifiki ta’ livell medju u 7 % biss għandhom kwalifiki baxxi. 14 % tal-impjegati kollha tal-UE fis-settur tat-trasport u l-loġistika għandhom kwalifiki ogħla (2006). “Madankollu, jekk nagħtu ħarsa lejn il-bidliet li seħħew mill-2000 sal-2006, nistgħu naraw li l-ħtiġiet fir-rigward tal-kwalifiki qed jogħlew madwar is-settur. Is-sehem ta’ nies bi kwalifiki baxxi naqas f'kull xogħol” (9).

4.2   L-iżviluppi teknoloġiċi u ż-żieda fl-użu tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) fis-setturi kollha tat-trasport jeħtieġu edukazzjoni ta’ livell għoli u aktar taħriġ kontinwu. It-tagħlim tul il-ħajja ftit li xejn huwa rilevanti għall-biċċa l-kbira tal-impjegati fil-professjonijiet fis-settur tat-trasport b'livell ta’ edukazzjoni medju u baxx. Approċċ aktar orjentat lejn il-konsumatur jeħtieġ ħiliet li qabel ma kinux jiffurmaw parti mit-taħriġ bażiku fil-professjonijiet fis-settur tat-trasport li huma aktar orjentati lejn il-lat tekniku. Is-sigurtà fit-tħaddim u fuq il-post tax-xogħol u l-ekosewqan, pereżempju, jeħtieġu taħriġ kontinwu.

4.3   L-iżvilupp demografiku u l-istruttura żvantaġġuża tal-etajiet fis-settur tat-trasport jeħtieġu – barra kunċetti ġodda għall-organizzazzjoni tax-xogħol – aktar investiment f'taħriġ kontinwu adattat għall-forza tax-xogħol li qed tixjieħ. B'mod partikolari, ix-xogħol ta’ xufier huwa professjoni li ta’ sikwit ma tistax tibqa' titwettaq sal-età tal-irtirar minħabba problemi ta’ saħħa relatati max-xogħol.

4.4   Il-provvista ta’ taħriġ attraenti u opportunitajiet aħjar ta’ karriera fis-settur u/jew il-kumpaniji huma modi importanti kif wieħed jattira ż-żgħażagħ lejn is-settur tat-trasport. Pereżempju, fis-settur marittimu, jeħtieġ li ċ-ċaqliq mill-funzjoni ta’ baħri lejn l-istatus ta’ uffiċjal jiġi promoss. Ix-xufiera tal-karozzi tal-linja fit-trasport pubbliku lokali għandu jkollhom opportunatijiet aħjar biex jiċċaqilqu lejn impjiegi ta’ ppjanar tat-traffiku jew ta’ tmexxija ta’ tim. It-taħriġ għandu jiġi kkunsidrat bħala investiment fil-ġejjieni.

5.   Il-kundizzjonijiet tax-xogħol – il-ħaddiema mobbli fis-settur tat-trasport huma… mobbli

5.1   Il-ħolqien tas-Suq Intern tat-Trasport u d-deregolazzjoni tas-settur tat-trasport ġabu magħhom problema kbira fis-settur tat-trasport: din hija – bla dubju – ir-rata għolja ta’ mobbiltà tal-ħaddiema mobbli li tiffaċilita d-delokalizzazzjoni tal-impjiegi relatati mat-trasport u prattiki ta’ dumping soċjali f'livell ogħla meta mqabbla ma’ setturi oħrajn. Ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni lil-leġislazzjoni soċjali, lill-miżuri soċjali ta’ akkumpanjament u lill-miżuri ta’ salvagwardja sabiex ikunu evitati l-prattiki ta’ dumping soċjali.

5.2   Il-libertà tal-istabbiliment u s-swieq miftuħin tat-trasport jintużaw ta’ sikwit, pereżempju fil-passaġġi tal-ilma interni, fit-trasport bit-triq jew fis-settur marittimu, sabiex jiġu stabbiliti kumpaniji f'pajjiżi tal-UE b'anqas spejjeż tax-xogħol, anqas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u/jew anqas vantaġġi fiskali mingħajr ma jiġu offruti servizzi f'dawn il-pajjiżi. Dawn jisfruttaw id-differenzi soċjali u fis-salarji bejn il-pajjiżi għal vantaġġ kompetittiv. Il-konsegwenzi huma diffikultajiet sabiex jiġu ttraċċati kuntratti tax-xogħol, sabiex jiġu żgurati skemi tas-sigurtà soċjali u sabiex jiġu kkontrollati u infurzati regoli dwar is-saħħa u s-sigurtà. Sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali, jeħtieġ li tiġi żgurata l-applikazjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ospitanti, jiġifieri li jiġu applikati l-kundizzjonijiet soċjali tal-pajjiż li fih jitwettaq is-servizz.

5.3   Id-diskussjoni dwar it-trasport sostenibbli u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż (ambjentali) esterni jwasslu sabiex il-kwistjoni ta’ prezz ġust għat-trasport titqiegħed fuq l-aġenda. Madankollu, prezz ġust għat-trasport għandu jinkludi wkoll prezz ġust għall-impjiegi ta’ kwalità fis-settur. Dan huwa essenzjali:

għas-servizzi ta’ kwalità;

għas-sigurtà;

sabiex is-settur tat-trasport ikun attraenti.

5.4   Għandu jkun żgurat prezz soċjali ġust għal impjiegi ta’ kwalità fit-trasport permezz ta’ miżuri regolatorji u tad-djalogu soċjali.

5.5   Il-passiġġieri tat-trasport pubbliku u dak privat jitolbu wkoll servizzi ta’ kwalità, vjaġġi siguri u protezzjoni kontra l-aggressjoni u l-vjolenza.

6.   L-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam soċjali tat-trasport

6.1   Fil-Komunikazzjoni tal-2006 dwar “Inżommu lill-Ewropa miexja”, il-Kummissjoni tiddikjara dan li ġej bħala wieħed mill-objettivi tal-politika Komunitarja dwar it-trasport: “Fil-qasam soċjali, il-politika tal-UE tippromwovi t-titjib fil-kwalità tal-impjiegi u kwalifiki aħjar għall-ħaddiema fis-settur tat-trasport Ewropew” (10).

6.2   L-istudju ta’ valutazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-Politika Komuni dwar it-Trasport (11), b'mod partikolari l-Kompitu 1.6 “L-aspetti soċjali”, jagħti lista ta’ inizjattivi leġislattivi u ta’ dokumenti ta’ politika tal-Kummissjoni fil-qasam soċjali tat-trasport. Dawn huma parzjalment ibbażati fuq negozjati u inizjattivi tal-imsieħba soċjali Ewropej. Madankollu, ir-rapport jiddikjara li huwa diffiċli li ssir valutazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ data jew minħabba l-fatt li l-miżuri għadhom kif ġew introdotti dan l-aħħar u, għaldaqstant, għadhom mhumiex effettivi.

6.3   Nistgħu nikkonkludu li:

6.3.1

L-istudji ta’ valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea jagħtu prijorità għolja lill-evalwazzjoni ekonomika u mhumiex żviluppati biżżejjed fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-inizjattivi Komunitarji. Huwa diffiċli li wieħed jerġa' jeqleb is-sitwazzjoni għal dik li kienet qabel, ladarba jkunu ġew implimentati ċerti tibdiliet.

6.3.2

Il-Kummissjoni għandha tanalizza b'attenzjoni l-konsegwenzi soċjali tal-proposti tagħha bil-quddiem u tipproponi miżuri soċjali ta’ akkumpanjament meta tagħmel proposti dwar aktar liberalizzazzjoni tas-suq tat-trasport.

6.3.3

Hemm nuqqas ta’ data u informazzjoni Ewropea affidabbli dwar is-suq tax-xogħol tat-trasport u l-kundizzjonijiet tax-xogħol attwali fis-setturi differenti tat-trasport; l-informazzjoni statistika tal-Klassifikazzjoni Industrijali Ġenerali tal-Attivitajiet Ekonomiċi fil-Komunitajiet Ewropej (NACE) dwar l-impjiegi hija ġenerali wisq sabiex issir analiżi adatta tas-setturi differenti; il-ftit studji komparattivi eżistenti dwar ċerti aspetti settorjali malajr ma jibqgħux jgħoddu; jeħtieġ li jkun hemm osservatorju soċjali fil-qasam tat-trasport, li għandu jkollu aċċess sistematiku għad-data mill-ispettorati tax-xogħol tal-Istati Membri.

6.3.4

Għad hemm il-ħtieġa ta’ aktar inizjattivi leġislattivi sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi eżistenti. Huwa essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mad-Djalogi Soċjali Settorjali Ewropej differenti u l-Kummissjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tivvaluta u tuża l-kompetenza li tkun ġejja mid-djalogu soċjali u tinvolvi lill-imsieħba soċjali fi stadju bikri.

7.   L-opportunitajiet ta’ impjieg, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol – Is-setturi differenti tat-trasport

7.1   Is-settur tat-trasport bit-triq

7.1.1   Is-settur qed jesperjenza aktar diffikultajiet sabiex jirrekluta sewwieqa. Din hija l-akbar sfida li qed jiffaċċja s-settur tat-trasport bit-triq. Wieħed ma jistax jinjora l-fatt li dan huwa r-riżultat tal-kundizzjonijiet li fihom ikollhom joperaw is-sewwieqa u l-industrija. Mill-perspettiva tas-sewwieqa, il-pressjoni għolja tax-xogħol, il-ħinijiet tax-xogħol xejn dħulin u l-ħlas taħt il-medja jagħmlu t-trasport bit-triq settur b'rekord soċjali fqir. Min-naħa l-oħra, l-operaturi – b'mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju – iridu jissaraw f'ambjent iddominat minn kompetizzjoni intrasettorjali qalila, li magħha jrid jiżdied l-impatt ta’ fatturi esterni bħall-kriżi ekonomika u l-prezzijiet għolja tal-karburant.

7.1.2   Id-Direttiva 2003/59/KE tintroduċi taħriġ inizjali u kontinwu b'mod obbligatorju għas-sewwieqa professjonali. Id-Direttiva daħlet fis-seħħ f'Settembru 2009 għat-trasport tal-passiġġieri u f'Settembru 2010 għat-trasport tal-merkanzija. L-għan mhuxiex biss it-titjib tas-sigurtà fit-toroq iżda wkoll it-tisħiħ tal-kwalità tal-professjoni. Dan huwa eżempju tajjeb ta’ miżura regolatorja li ser ikollha impatt pożittiv addizzjonali fuq l-istatus tas-sewwieqa u, fl-aħħar mill-aħħar, tikkontribwixxi sabiex tagħmel din il-professjoni aktar attraenti, speċjalment peress li progress teknoloġiku sostanzjali f'dan is-settur jeħtieġ sewwieqa professjonali b'livell għoli ta’ ħila. Madankollu, issa kollox jiddependi mill-implimentazzjoni tad-Direttiva min-naħa tal-Istati Membri. L-isfida tikkonsisti fil-ħolqien ta’ provvista suffiċjenti ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja, kurrikulu ta’ taħriġ ta’ kwalità u l-finanzjament ta’ taħriġ inizjali u kontinwu. Rigward dan tal-aħħar, żviluppaw prattiki fejn l-ispejjeż tat-taħriġ inizjali u/jew kontinwu jintrefgħu mis-sewwieqa – fattur li, fuq perjodu ta’ żmien medju, ma jagħmel xejn ħlief li jħażżen il-problemi ta’ reklutaġġ fis-settur.

7.1.3   Is-settur tat-trasport bit-triq jibbenefika mil-leġislazzjoni soċjali tiegħu stess. Il-problema ewlenija hi n-nuqqas ta’ infurzar tar-regolamenti dwar il-ħinijiet tax-xogħol, tas-sewqan u tal-mistrieħ, avolja sar titjib fil-leġislazzjoni u qed isiru aktar verifiki. L-istess jgħodd għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-każ tal-ħaddiema tat-trasport bit-triq li jaħdmu fis-servizzi ta’ kabotaġġ.

7.1.4   Il-leġislazzjoni tal-UE dwar it-trasport bit-triq għandha tapplika mingħajr ebda eċċezzjoni fis-settur kollu, sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni ġusta, is-sigurtà fit-toroq u s-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol;

7.1.5   Dawk li jfasslu l-politika tal-UE għandhom jieħdu miżuri li jwasslu għal sostenibilità ġenwina fis-settur – għandu jkun hemm inċentivi għall-operaturi sabiex jinvestu fi flotot u f'teknoloġiji ġodda; titjib fil-kapaċità tal-Istati Membri li jinfurzaw il-leġislazzjoni dwar it-trasport bit-triq; miżuri sabiex il-professjoni tas-sewwieqa ssir waħda ta’ livell għoli ta’ ħila, fattur li awtomatikament iwassal sabiex tittejjeb l-immaġni ta’ din il-professjoni;

7.1.6   Titjib fl-infrastruttura tat-toroq, b'mod partikolari l-provvista ta’ żoni ta’ parkeġġ u faċilitajiet għall-mistrieħ siguri u affordabbli; parti mid-dħul li jinkiseb mill-“Eurovignette” tista' tintuża sabiex tittejjeb il-kwalità taż-żoni ta’ parkeġġ u tal-faċilitajiet tal-mistrieħ – dan jibbenefikaw minnu kemm in-negozji (is-sigurtà tal-merkanzija) kif ukoll is-sewwieqa professjonali;

7.1.7   Il-ħolqien ta’ Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fit-Toroq li jkollha r-rwol li tissalvagwardja l-bżonnijiet u l-ħtiġiet imsemmija hawn fuq (12).

7.2   It-trasport pubbliku urban

7.2.1   Fl-UE, madwar miljun ħaddiem huma impjegati fis-settur tat-trasport pubbliku urban (skont iċ-ċifri tal-Unjoni Internazzjonali tat-Trasport Pubbliku (UITP)). Skont il-politiki li jippromovu t-trasport kollettiv fl-agglomerazzjonijiet, fil-bliet u fiż-żoni rurali, l-opportunitajiet ta’ impjieg huma potenzjalment għoljin.

7.2.2   Madankollu, it-trasport pubbliku lokali wkoll qed jiffaċċja problemi ta’ reklutaġġ u t-trasport pubbliku qed jiffaċċja l-problema ta’ forza tax-xogħol li qed tixjieħ. Il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema tat-trasport pubbliku huma sewwieqa. Kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u opportunitajiet ta’ karriera huma elementi li jattiraw lin-nisa u liż-żgħażagħ lejn is-settur.

7.2.3   Id-Direttiva 2003/59/KE dwar it-taħriġ tas-sewwieqa tapplika għat-trasport pubbliku bil-karozzi tal-linja.

7.2.4   Barra l-finanzjament, sfida kbira għat-trasport pubbliku hi li jipprovdi servizzi ta’ kwalità tajba. Ir-relazzjoni bejn il-kwalità fil-post tax-xogħol (kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin) u l-kwalità tas-servizzi hija s-suġġett tad-Djalogu Soċjali Ewropew settorjali.

7.2.5   Barra minn hekk, il-vjolenza u l-aggressjoni huma problema serja fit-trasport pubbliku tal-passiġġieri. Politika bbażata fuq tolleranza żero kontra l-vjolenza tipproteġi lill-passiġġieri u lill-ħaddiema u tgħin sabiex it-trasport pubbliku jsir aktar attraenti.

7.3   Is-settur ferrovjarju

7.3.1   Is-settur ferrovjarju għaddej minn ristrutturar kontinwu b'żieda fil-produttività u bi tnaqqis fl-impjiegi: pereżempju persunal inkarigat mill-bejgħ fl-stazzjonijiet tal-ferroviji, persunal abbord fit-trasport reġjonali tal-passiġġieri, tnaqqis fl-użu tat-trasport ta’ tagħbijiet f'vagun wieħed li huwa intensiv f'termini ta’ xogħol u minfloku l-użu ta’ ferroviji kompleti li huma anqas intensivi f'termini ta’ xogħol. Teknoloġiji ġodda bħas-Sistema Ewropea għall-Immaniġġjar tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) jew sistemi awtomatiċi għat-tibdil tad-direzzjoni tal-ferroviji huma teknoloġiji b'fini ta’ razzjonalizzazzjoni tax-xogħol, li jaffettwaw l-aktar lill-persunal li jikkontrolla t-traffiku jew lill-professjonijiet inkarigati mit-tibdil tad-direzzjoni tal-ferroviji. Bil-kontra tat-tendenza attwali, il-promozzjoni tal-użu tat-trasport ta’ tagħbijiet f'vagun wieħed tippermetti alternattiva ambjentali kredibbli għat-trasport bit-triq u tiġġenera l-impjiegi (13).

7.3.2   L-atturi l-ġodda li jidħlu fis-suq tal-merkanzija ferrovjarja jikkonċentra fuq is-servizzi ferrovjarji sħaħ b'intensità baxxa ta’ xogħol, filwaqt li l-investiment fl-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida u t-titjib tan-netwerks eżistenti ser joħloq impjiegi fis-servizzi ta’ manutenzjoni u ta’ appoġġ għal din l-infrastruttura l-ġdida.

7.3.3   F'dan il-każ, l-opportunitajiet ta’ xogħol li jinħolqu minħabba żieda fit-trasport ferrovjarju / bidla modali mhux se jkun ta’ benefiċċju għas-sewwieqa biss. Madankollu, is-settur ferrovjarju wkoll qed jiffaċċja problemi ta’ reklutaġġ fil-livell tal-edukazzjoni għolja (inġiniera) u l-kumpaniji qed jiffaċċjaw struttura demografika żvantaġġuża.

7.3.4   Il-ħtiġijiet ta’ taħriġ:

Iż-żieda fit-traffiku transkonfinali teħtieġ żieda fit-taħriġ b'rabta mar-regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà u l-ħiliet lingwistiċi kemm għas-sewwieqa kif ukoll għall-persunal abbord.

Għandhom ikunu żgurati livell għoli ta’ sigurtà u servizzi ta’ kwalità għolja permezz taċ-ċertifikazzjoni tal-persunal abbord.

L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda bħall-ERTMS tbiddel il-profil tas-sewwieqa u tal-persunal li jikkontrolla t-traffiku filwaqt li żżid il-ħtieġa ta’ taħriġ b'rabta mat-Teknoloġija tal-Informatika (IT).

It-tendenza ta’ ħiliet varji fis-settur tal-merkanzija ferrovjarja teħtieġ li jkunu definiti professjonijiet ġodda u korsijiet ta’ taħriġ adegwati.

Ir-ristrutturar tas-settur jimxi id f'id ma’ għadd kbir ta’ atturi u ta’ interfaċċji ġodda. Ser ikun meħtieġ aktar persunal fil-livell maniġerjali amministrattiv. It-tixjiħ progressiv tal-persunal fis-settur ferrovjarju eżistenti u ż-żieda fil-problemi ta’ reklutaġġ jeħtieġu l-iżvilupp ta’ programmi adegwati ta’ taħriġ u ta’ tagħlim tul il-ħajja għal gruppi ta’ impjegati ta’ etajiet differenti.

7.3.5   Il-kundizzjonijiet tax-xogħol:

Il-pressjoni kontinwa fir-rigward taż-żieda fil-produttività u t-tnaqqis fl-ispejjeż fis-settur qed iġibu magħhom tnaqqis fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fl-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol fuq żewġ livelli. Bil-ftuħ tas-swieq u biż-żieda fis-servizzi transkonfinali, jeħtieġ li jkun hemm monitoraġġ u infurzar tal-ħinijiet tax-xogħol, tas-sewqan u tal-mistrieħ kif ukoll tal-livelli ta’ kwalifiki tas-sewwieqa.

7.4   It-trasport fil-passaġġi tal-ilma interni (IWT)

7.4.1   It-Trasport fil-Passaġġi tal-Ilma Interni (IWT) huwa kkunsidrat bħala mod tat-trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u li l-potenzjal tiegħu għadu mhux qed jintuża għalkollox. Madankollu, bħalissa l-livelli tal-ilma qed jitbaxxew fix-xmajjar ewlenin u din hija sfida kbira għas-settur. Qed jiġu riċerkati kunċetti ġodda ta’ bastimenti kif ukoll sistemi ġodda ta’ kunsinna (vetturi li jżommu f'wiċċ l-ilma).

7.4.2   Hemm nuqqas serju ta’ ħaddiema fil-qasam tal-IWT (kemm fuq ir-Rhine kif ukoll fuq id-Danubju) fit-trasport kemm tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri. Il-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa mhijiex interessata f'dan is-settur minħabba bilanċ ħażin bejn ix-xogħol u l-familja, ħinijiet twal ta’ xogħol u kundizzjonijiet tax-xogħol xejn attraenti (b'mod partikolari perjodi twal 'il bogħod mid-dar). Hemm nuqqas ta’ qafas leġislattiv/regolatorju ġenwin u dan qed iwassal għal delokalizzazzjoni lejn pajjiżi li jisfruttaw id-differenzi fit-tassazzjoni bejn il-pajjiżi u kundizzjonijiet soċjali u ta’ salarju anqas favorevoli għal skopijiet ta’ vantaġġi kompetittivi, pereżempju fi ħdan l-UE, lejn Malta u Ċipru.

7.4.3   Dawn il-problemi qed jiġu indirizzati permezz tad-djalogu soċjali u fil-livell tal-UE permezz ta’ diversi inizjattivi:

PLATINA = pjattaforma ta’ azzjoni tan-NAIADES – diversi pakketti ta’ ħidma jindirizzaw l-ostakli li jeżistu fl-industrija;

Ix-xogħlijiet u l-ħiliet = pakkett ta’ ħidma tal-UE sabiex is-settur isir aktar attraenti;

EDINNA (Edukazzjoni dwar in-Navigazzjoni Interna) = ġiet stabbilita pjattaforma Ewropea għaċ-ċentri kollha ta’ taħriġ edukattiv;

Bħalissa għaddejja ħidma dwar profili ta’ xogħlijiet armonizzati fil-livell tal-UE (għall-kaptani u l-baħrin) – dawn ser jagħmluha ta’ bażi formali għal standards minimi unifikati ta’ taħriġ fil-qasam tal-IWT fl-UE;

Bħalissa għaddejja ħidma b'rabta mal-STCIN = standards Ewropej dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni b'rabta man-navigazzjoni interna.

7.4.4   Il-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine (CCNR) qed tiffunzjona bħala ċentru ta’ għarfien għall-IWT fl-Ewropa u, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, qed tarmonizza ċ-ċertifikat għall-kaptani tal-bastimenti permezz tas-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku. Is-CCNR tiġi kkummissjonata mill-KE sabiex tirriċerka u tippubblika darbtejn fis-sena osservazzjonijiet tas-suq li jinkludu data soċjali u ekonomika sabiex tkun disponibbli informazzjoni affidabbli. F'kooperazzjoni mas-CCNR, qed tiġi riċerkata u żviluppata sistema unika ta’ identifikazzjoni: din mhux biss ser turi l-identità tal-ħaddiema iżda ser timmonitorja/tidentifika wkoll il-ħin tax-xogħol/tal-mistrieħ u dak liberu u l-edukazzjoni/it-taħriġ/iċ-ċertifikazzjoni tal-ħaddiema.

7.5   Is-settur tal-avjazzjoni

7.5.1   L-avjazzjoni hija servizz essenzjali għall-ekonomija tal-UE u t-tkomplija tagħha hija kruċjali sabiex ikunu appoġġjati l-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp reġjonali. Il-kompetittività tal-industrija Ewropea tat-trasport bl-ajru tista' tissaħħaħ b'mod internazzjonali billi jintużaw il-vantaġġi kollha tal-Mudell Soċjali Ewropew. Il-kumpaniji għandhom jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tal-leġislazzjoni soċjali Komunitarja u nazzjonali kif ukoll tal-ftehimiet kollettivi sabiex ikunu protetti l-impjiegi u jkun evitat id-dumping soċjali. Għandhom isiru sforzi speċjali sabiex ikun hemmdjalogu soċjali fuq livell ażjendali u nazzjonali u b'hekk jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi attwali tal-avjazzjoni ċivili.

7.5.2   Jeħtieġ li jkun hemm atmosfera ta’ fiduċja, responsabbiltà u kooperazzjoni bejn min iħaddem u l-impjegati fil-livell(i) adatt(i) sabiex ikunu żgurati s-sigurtà, l-effiċjenza u l-kwalità tas-servizz bi spirtu li jitħarsu l-obbligi tas-servizz pubbliku. L-objettiv ewlieni għandu jkun li tiġi stabbilita industrija tal-avjazzjoni ċivili sostenibbli mil-lat ekoloġiku u soċjali.

7.5.3   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jixtieq jikkunsidra l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, inklużi Blokok ta’ Spazju tal-Ajru Funzjonali u r-Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), li fihom il-fattur uman u d-djalogu soċjali huma importanti ħafna sabiex is-settur ikun ta’ suċċess. L-Istati Membri għandhom jidħlu f'konsultazzjoni sinifikattiva mal-imsieħba soċjali u mal-partijiet interessati l-oħrajn kollha sabiex jittieħdu miżuri bilanċjati biex dawn l-għanijiet jinkisbu u biex jiġi evitat li aktar ħaddiema jitilfu l-impjieg tagħhom (14).

7.5.4   L-impjegati kollha tal-avjazzjoni ċivili, u l-aktar il-ħaddiema responsabbli mill-assistenza fuq l-art, għandu jkollhom l-istess trattament favorevoli bħal impjegati Ewropej oħrajn. Bħalissa dan mhuwiex il-każ: pereżempju, meta jkun hemm sejħiet għall-offerti, l-impjegati għandhom, fil-każijiet kollha, jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-drittijiet ta’ trasferiment.

7.5.5   L-UE għandha tappoġġja miżuri li jirrikonoxxu u jivvalidaw il-kwalifiki fis-settur. L-atturi kollha għandhom jaġixxu flimkien, inkluż permezz ta’ negozjati, u jinvestu fit-taħriġ u fi kwalifiki vokazzjonali. Permezz ta’ approċċ f'fażijiet u ta’ ftehimiet, jistgħu jinkisbu l-aħjar standards ta’ taħriġ fil-livell Ewropew, filwaqt li jippermetti li jiġu stabbiliti regoli aktar speċifiċi fil-livelli l-oħrajn kollha, kif ukoll aktar ħidma dwar il-validazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali u l-involviment ta’ partijiet relatati oħrajn (istituzzjonijiet Ewropej, awtoritajiet nazzjonali, eċċ.).

7.5.6   Fl-aħħar nett, fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa kruċjali wkoll li s-sigurtà tal-ajru tibqa' l-aktar prijorità importanti li tiggwida l-azzjoni leġislattiva Ewropea. Rigward din tal-aħħar, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) għandhom jikkonsultaw lill-partijiet interessati sabiex jinkisbu regoli għall-ekwipaġġ tal-ajru dwar il-Limitu tal-Ħin tat-Titjiriet u r-Rekwiżiti ta’ Mistrieħ, li jkunu orjentati lejn is-sigurtà u bbażati fuq ix-xjenza, li jirnexxilhom itaffu l-għeja minħabba ħinijiet twal tax-xogħol, ħinijiet tax-xift li jinbidlu u tibdil fiż-żoni tal-ħin. L-għeja hija tassew theddida għas-sigurtà tal-ajru peress li tnaqqas il-viġilanza u l-prestazzjoni ta’ dak li jkun. L-għeja hija reazzjoni normali għal ħafna kundizzjonijiet li huma komuni għat-titjiriet minħabba nuqqas ta’ rqad, xogħol abbażi ta’ xift u ċikli twal ta’ ħidma.

7.6   Is-settur tat-trasport marittimu

7.6.1   L-isfida ewlenija fis-settur tat-trasport marittimu hija t-tnaqqis fuq perjodu ta’ żmien twil fl-impjieg ta’ baħrin Ewropej flimkien mat-telf assoċjat ta’ kompetenza marittima Ewropea. Għadhom qed jintużaw Bnadar ta’ Konvenjenza (FOC) u ekwipaġġ b'salarji baxxi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-kummerċ internazzjonali minn bastimenti li huma proprjetà ta’ sidien Ewropej u li huma kkontrollati mill-Ewropa huwa ddominat minn ekwipaġġ kważi kollu kemm hu mhux domiċiljat, b'mod partikolari fir-rigward tal-baħrin ordinarji. Il-Konferenza tal-KESE dwar “L-attrattività tal-impjiegi tal-baħar” (11/03/2010) indirizzat ir-raġunijiet kollha għaliex l-impjiegi tal-baħar mhumiex attraenti, enfasizzat il-ħtieġa li l-edukazzjoni marittima tiġi modernizzata u ppromoviet l-azzjoni tal-UE f'dan ir-rigward.

7.6.2   Is-settur tat-trasport marittimu ukoll huwa karatterizzat minn forza tax-xogħol li qed tixjieħ. Iż-żamma ta’ uffiċjali meta jaqbżu l-età tal-irtirar hija kkawżata l-aktar min-nuqqas attwali ta’ uffiċjali u n-nuqqas ta’ rieda min-naħa tal-kumpaniji li jippromovu lill-ħaddiema mill-funzjoni ta’ baħri ordinarju għal-livell ta’ uffiċjal.

7.6.3   Madankollu, proġett li sar fil-qafas tad-Djalogu Soċjali Ewropew wera li l-problema mhijiex nuqqas ta’ apprendisti żgħażagħ Ewropej li lesti jibdew karriera fuq il-baħar iżda pjuttost nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol u pożizzjonijiet ta’ taħriġ abbord. Hemm ħtieġa ċara li jinħoloq ambjent li jiffaċilita r-reklutaġġ u t-taħriġ tal-baħrin Ewropej u l-promozzjoni minn baħrin ordinarji għal uffiċjali. Dan jista' jitħeġġeġ billi jintużaw b'mod aħjar u aktar strett skemi ta’ Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat (SAG), b'mod partikolari billi tissaħħaħ ir-rabta bejn l-għoti ta’ sussidji pubbliċi jew eżenzjonijiet fiskali u kemm il-garanziji tal-impjieg kif ukoll l-obbligi ta’ taħriġ.

7.6.4   Is-sidien tal-bastimenti qed jinnegozjaw lil hinn mill-Ewropa u qed jinvestu aktar u aktar f'ċentri ta’ taħriġ u f'akkademji marittimi f'pajjiżi terzi, l-aktar fil-Lvant Imbiegħed. Jeħtieġ li jiġi żviluppat netwerk ta’ Istituti ta’ Taħriġ u tal-Edukazzjoni fl-Ewropa sabiex jinħolqu sistemi tal-edukazzjoni marittima li jirriflettu l-ħtiġijiet ta’ ħiliet ġodda li qed jiżviluppaw u li jadattaw ruħhom għalihom. Rigward dan l-aħħar aspett b'mod partikolari, hemm każ b'saħħtu sabiex isir stħarriġ dwar metodi ta’ tagħlim aktar flessibbli u mħalltin kemm għall-edukazzjoni inizjali kif ukoll għat-tagħlim tul il-ħajja. Is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol għandhom iwieġbu għall-ħtieġa ta’ karrieri aktar flessibbli (transizzjoni mill-baħar għall-art jew bil-kontra), inklużi moduli tal-edukazzjoni u t-taħriġ dwar l-immaniġġjar, in-negozju u l-kummerċ kif ukoll dwar ħiliet speċifiċi għas-settur.

7.6.5   Rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol, qed jinħolqu problemi minħabba impjiegi temporanji, użu li kulma jmur qed jiżdied ta’ aġenziji ta’ reklutaġġ u n-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ impjieg diretta jew remota mal-kumpaniji tat-trasport marittimu. Ta' sikwit, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien abbord ikunu ħżiena, l-akkomodazzjoni abbord ma tkunx adegwata, l-aktar għan-nisa u l-kadetti, u jkun hemm nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ komunikazzjoni. Barra minn hekk, livelli mhux adegwati ta’ ekwipaġġ iżidu l-għeja u jqiegħdu f'riskju t-tħaddim sigur tal-bastimenti. Il-problema tal-piraterija u tal-kriminalizzazzjoni tal-baħrin ikkontribwiet għad-deterjorazzjoni tal-immaġni tal-industrija u r-rieda li wieħed jikkunsidra li jibda karriera fuq il-baħar.

7.6.6   Fir-rigward tal-konnessjonijiet bil-baħar bejn il-kontinent Ewropew u l-gżejjer u bejn il-gżejjer, il-KESE jemmen li għandhom jissaħħu l-obbligi tas-servizz pubbliku sabiex tiġi promossa l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, mingħajr ma r-regolazzjoni tal-għajnuna tal-istat tkun ta’ ħsara għall-offerta tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

7.6.7   Xi inizjattivi urġenti u pendenti huma:

valutazzjoni tal-fattibbiltà ta’ inizjattiva Komunitarja ġdida, li tkopri l-kummerċ fl-UE fl-għamla ta’ proposta leġislattiva mġedda dwar il-kundizzjonijiet relatati mal-ekwipaġġ;

valutazzjoni tal-fattibbiltà tar-reviżjoni tas-SAG, billi tinstab soluzzjoni għal-lakuni li hemm sabiex jiġi żgurat li l-flus ta’ dawk li jħallsu t-taxxi fl-UE jintefqu primarjament għall-appoġġ tal-impjiegi u t-taħriġ tal-baħrin tal-UE u l-inklużjoni tagħhom fil-leġislazzjoni soċjali kollha li bħalissa jinsabu esklużi minnha;

ratifika tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu (MLC) 2006 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għax-Xogħol (ILO) u infurzar permezz tal-Kontroll effettiv tal-Portijiet mill-Istat;

metodoloġija uniformi u konsistenti tal-UE għall-ġbir ta’ data dwar l-impjieg tal-baħrin.

7.7   Is-settur tal-portijiet

7.7.1   Bħal f'setturi oħrajn tat-trasport, anke l-analiżijiet tal-impjiegi fil-portijiet ibatu minn nuqqas ta’ statistika u data kwantitattiva. Billi rrikonoxxa din il-problema, id-DĠ Move dan l-aħħar ikkummissjona studju dwar l-impjiegi fil-portijiet. Madankollu, dan jaf ma jkunx biżżejjed sabiex il-lakuna timtela b'mod sistematiku, u kemm l-Eurostat kif ukoll l-Istati Membri għandhom ikunu mistiedna jikkontribwixxu għal dan l-eżerċizzju. Problema ewlenija hi d-definizzjoni ta’ x'inhu ħaddiem li jaħdem fil-portijiet. Storikament, ħaddiem li jaħdem fil-portijiet kien burdnar – li jgħabbi u jħott il-merkanzija billi juża s-saħħa fiżika tiegħu – iżda bil-wasla tal-kontejners u ta’ titjibiet teknoloġiċi x-xogħol fil-portijiet sar diversifikat u dan jagħmilha aktar diffiċli sabiex tinstab definizzjoni. Dan ikompli jikkomplika aktar ruħu minħabba l-fatt li aktar u aktar ħaddiema loġistiċi joperaw fiż-żona tal-portijiet iżda ta’ sikwit jaħdmu f'kundizzjonijiet differenti ħafna. Il-KESE jqis li mhuwiex aċċettabbli li tiġi imposta l-liberalizzazzjoni tas-servizzi tal-portijiet.

7.7.2   Il-ħtiġijiet ta’ taħriġ: id-dispożizzjonijiet u l-ħtiġiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema tal-portijiet ivarjaw ħafna madwar l-Ewropa, fejn xi pajjiżi żviluppaw sistemi ta’ taħriġ estensivi mentri oħrajn joffru livell baxx ta’ taħriġ. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji l-kbar żviluppaw l-iskemi ta’ taħriġ tagħhom stess u l-biċċa l-kbira tal-portijiet il-kbar għandhom iċ-ċentri ta’ taħriġ tagħhom stess. Madankollu, il-kumpaniji ż-żgħar u l-portijiet iż-żgħar ibatu minn nuqqas ta’ taħriġ adegwat u dan għandu konsegwenzi negattivi fuq is-sigurtà. Sfida kbira għat-taħriġ fil-portijiet hija l-ħtieġa li l-iskemi eżistenti jiġu adattati għal bidliet teknoloġiċi rapidi u wkoll li dawn jiġu antiċipati.

7.7.3   Għandu jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ qafas komuni għat-taħriġ (fejn ikunu identifikati elementi u moduli li għandhom ikunu preżenti f'kull programm ta’ taħriġ u fejn il-pajjiżi bi skemi anqas effettivi jkunu jistgħu jtejbu l-programmi ta’ taħriġ tagħhom). B'mod ġenerali, jeħtieġ li jkun hemm aktar taħriġ sabiex tittejjeb il-kompetittività tal-portijiet tal-UE u sabiex dawn il-portijiet isiru postijiet tax-xogħol aktar siguri. Fattur ieħor huwa r-rabta bejn it-taħriġ u impjiegi aħjar: il-ħaddiema tal-portijiet huma ħaddiema professjonali u d-dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ għandhom jitfasslu b'mod li tkun żgurata karriera professjonali u li l-ħaddiema jkunu jistgħu jakkumulaw diversi ħiliet. It-taħriġ fil-portijiet għandu jkun ġestit b'mod konġunt mill-imsieħba soċjali u mill-awtoritajiet pubbliċi, bħalma hu diġà l-każ f'ħafna portijiet.

7.7.4   Il-kundizzjonijiet tax-xogħol: is-sigurtà għadha kwistjoni ewlenija fil-portijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-kontejners. Jeħtieġ li jittejjeb ir-rappurtar tal-inċidenti u li dan ikun jinkludi wkoll data mtejba dwar l-inċidenti u aktar dettall (kawżi, postijiet, eċċ.). Ir-rappurtar tal-inċidenti għandu jiġi standardizzat madwar l-Ewropa (għandu jintlaħaq qbil dwar definizzjoni komuni ta’ x'inhu inċident, eċċ.).

7.7.5   Kwistjoni oħra hija n-nuqqas ta’ infurzar tal-leġislazzjoni dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Bħalissa m'hemm l-ebda leġislazzjoni speċifika tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fil-portijiet u qed tiġi applikata d-direttiva qafas ġenerali. Il-ħtieġa li jitressaq regolament speċifiku għas-settur f'dan il-qasam għandha tiġi vvalutata b'attenzjoni. Barra minn hekk, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-portijiet għandu jiġi implimentat permezz ta’ djalogu soċjali mtejjeb fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew. Fil-kuntest partikolari tal-bidliet industrijali (pereżempju l-privatizzazzjoni tal-portijiet), dan id-djalogu għandu jirriżulta f'soluzzjonijiet innegozjati maħsuba biex jipprevjenu kwalunkwe konsegwenza avversa fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-Président tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara wkoll Premessa nru 17 flimkien mal-Artikoli 4(5) u 4(6) fir-Regolament tal-UE 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq.

(2)  Ktejjeb tal-Istatistika 2010 tal-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport (DĠ Move).

(3)  Ktejjeb tal-Istatistika 2006, 2007/2008, 2009, 2010 tal-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija u t-Trasport (DĠ TREN).

(4)  Id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL), li kkummissjona studju dwar “L-Investiment fil-Ġejjieni tal-Impjiegi u tal-Ħiliet”, janalizza xi xenarji.

(5)  Studju TRANSVISION ibbażat fuq xenarji (l-iżviluppi fit-trasport sal-2050) mingħajr stimi dwar l-iżvilupp tal-impjiegi. http://ec.europa.eu/transport/strategies/studies/doc/future_of_transport/2009_02_transvisions_report.pdf.

(6)  It-tielet u r-raba' Stħarriġ dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fl-Ewropa tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol; analiżijiet settorjali tal-2002 u tal-2009; http://www.eurofound.europa.eu/surveys/index.htm.

(7)  Ara nota 2 f'qiegħ il-paġna.

(8)  Id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DG EMPL) ikkummissjona studju dwar “L-Investiment fil-Ġejjieni tal-Impjiegi u tal-Ħiliet – Xenarji, implikazzjonijiet u għażliet bil-quddiem”.

(9)  Ara nota 5 f'qiegħ il-paġna.

(10)  Komunikazzjoni COM (2006) 314 dwar “Inżommu lill-Ewropa miexja”, paġna 3.

(11)  Valutazzjoni tal-Politika Komuni dwar it-Trasport (CTP) mill-2000 sal-2008. http://ec.europa.eu/transport/strategies/studies/strategies_en.htm.

(12)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 94.

(13)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 92.

(14)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 50.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/31


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp sostenibbli tal-politika u l-ippjanar tat-trasport tal-UE għat-TEN-T” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza li jmiss tal-Polonja)

2011/C 248/05

Relatur: is-Sur KRAWCZYK

Nhar it-30 ta’ Novembru 2010, il-Presidenza li jmiss tal-Unjoni Ewropea, dik Pollakka, iddeċidiet b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-iżvilupp sostenibbli tal-politika u l-ippjanar tat-trasport tal-UE għat-TEN-T

(opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju (seduta tal-15 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 154 voti favur, l-ebda vot kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE minn dejjem appoġġja l-programm tan-netwerks tat-trasport trans-Ewropej u jtenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal dan il-programm. Madankollu jinnota li l-ħtiġijiet tal-Ewropa estiża fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport kibru u trid issir riflessjoni dwar kif il-politika u l-istrumenti ta’ implimentazzjoni attwali jridu jiġu adattati għall-isfidi futuri.

1.2

Fil-fehma tal-Kumitat, l-għan aħħari huwa l-formulazzjoni ta’ politika tat-trasport li, meta tiġi implimentata, twassal biex tintlaħaq koeżjoni soċjali u ekonomika, billi ġġib flimkien l-ambizzjonijiet tat-tkabbir ekonomiku, fil-forma ta’ żieda fit-trasport (skont il-Kummissjoni t-traffiku ser jiżdied b’madwar 20 % bejn l-2005 u l-2020), il-koeżjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli b’riżorsi finanzjarji ristretti.

1.3

Iżda, fil-prattika l-Kumitat ikkonkluda li, sfortunatament mit-92 proġett li ntgħażlu mis-sejħa għall-proposti tal-2007 u li daħlu fir-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-programm ta’ ħidma multiannwali 2007-2013, li bejniethom jgħoddu madwar żewġ terzi tal-baġit totali tat-TEN-T (EUR 5,3 biljun minn EUR 8 biljun), kien biss numru żgħir li ġie allokat fl-Istati l-Membri l-ġodda.

1.4

Il-Kumitat jixtieq jisħaq, li jekk l-iskop tal-UE huwa li toħloq suq tat-trasport uniku, veru u integrat u li tkompli bil-politika ta’ koeżjoni, hemm bżonn ta’ bidla radikali fl-għażla tan-netwerks. L-Istati Membri għandhom jipproponu netwerks għat-TEN-T fuq il-bażi ta’ kriterji ċari u stabbiliti mill-Kummissjoni.

1.5

Il-Kumitat jirrakkomanda li, minħabba d-dipendenza attwali tas-settur tat-trasport fuq il-karburanti fossili, il-politika tat-trasport Ewropea tal-ġejjieni trid issegwi dawn l-erba’ miri li ġejjin:

il-promozzjoni ta’ mezzi tat-trasport b’użu baxx tal-karbonju,

effiċjenza enerġetika,

sigurtà, kumplessità u indipendenza tal-provvista, u

tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku.

1.6

F’dan ir-rigward, il-Kumitat jagħti l-parir li jintgħażlu l-aktar karburanti li jirrispettaw l-ambjent u dawk li huma l-aktar rinnovabbli, li jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, li jużaw il-komodalità, filwaqt li jdaħħlu l-kunċett tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-mezzi kollha tat-trasport. Il-KESE huwa preokkupat dwar il-limitazzjonijiet finanzjarji għall-proġetti TEN-T fil-livell Ewropew li jistgħu ma joffrux biżżejjed inċentivi biex l-Istati Membri jidħlu għal dawn il-proġetti. Għalhekk il-KESE jirreferi għall-opinjonijiet tiegħu li fihom jissuġġerixxi li għandhom jiġu mfittxa sorsi ġodda ta’ dħul pubbliku (1).

1.7

Kif ukoll jirrakkomanda l-użu attent u selettiv tas-Sħubijiet Pubbliċi Privati biex jiġu ffinanzjati l-fondi tat-TEN-T, filwaqt li jitqiesu l-livelli differenti ta’ esperjenza fost l-Istati Membri fl-użu tas-Sħubijiet u b’rikonoxximent tal-ħtieġa li l-istrumenti finanzjarji tal-UE (pereżempju l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, TENs u BEI) jiġu mobilizzati bħala parti minn strateġija konsistenti ta’ ffinanzjar, li ġġib flimkien fondi mill-UE u dawk pubbliċi nazzjonali u privati. Biex l-awtoritajiet pubbliċi jingħataw għażla ħielsa dwar jekk jipparteċipawx fi sħubijiet, il-KESE jirreferi għall-opinjoni tiegħu li d-definizzjoni tas-sħubijiet fil-proċeduri tal-Eurostat dwar id-dejn pubbliku għandha tiġi riveduta (2).

1.8

Il-Kumitat jirrakkomanda li r-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T għandha tqis ukoll punti ta’ konġestjoni u konnessjonijiet neqsin biex tinkoraġġixxi żvilupp tal-infrastruttura tat-trasport ibbilanċjat fil-partijiet kollha tal-Unjoni, speċjalment f’dik tal-Lvant biex tkun tista’ tintlaħaq koeżjoni soċjali u ekonomika. Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-White Paper tal-Kummissjoni “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti” (White Paper), li tirreferi għal din il-kwistjoni partikolari b’attenzjoni kbira u tislet konklużjoni għal azzjonijiet prattiċi li jridu jsiru fis-snin li ġejjin.

1.9

Trid tingħata attenzjoni speċjali lill-hekk imsejħa politika tal-viċinat, jiġifieri l-konnessjonijiet lejn it-Tramuntana, il-Lvant u n-Nofsinhar tal-UE, li jiffukaw fuq kollox fuq in-netwerk, aktar milli fuq proġetti ta’ infrastruttura individwali.

1.10

Il-Kumitat jissuġġerixxi li “l-kuntratti tal-programm” għandhom jiġu ffirmati bejn l-UE u kull Stat Membru fuq il-bażi ta’ TEN-T definit mill-ġdid, li jistabbilixxi impenji reċiproċi dwar l-iffinanzjar u l-iskadenzi għat-tkomplija. Il-Kumitat jemmen li s-soċjetà ċivili għandha tipparteċipa fil-proċess tat-tħejjija ta’ “kuntratti tal-programm” bħal dawn biex itejbu l-effiċjenza tal-implimentazzjoni ulterjuri tal-proġetti maqbula.

1.11

Il-Kumitat jemmen li l-iżvilupp sostenibbli tal-politika tat-trasport tal-UE jista’ jiġi appoġġjat b’mod sinifikanti permezz ta’ azzjoni ta’ strutturi ta’ djalogu soċjali u/ jew djalogu tal-partijiet interessati fl-istrutturi tal-kurituri tat-trasport trans-Ewropew li qed jaħdmu jew qed jinbnew. Il-KESE jappella biex dawn it-tipi ta’ strutturi jiġu attivati mill-ġdid.

1.12

Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġi ċċarat x’qed jinftiehem bil-kunċett tas-sostenibbiltà. Fil-fehma tal-Kumitat dan il-kunċett jinkludi – apparti mill-kontribut fundamentali lejn it-tkabbir ekonomiku – mhux biss il-miri ambjentali bħalma huma l-ħarsien tal-klima, it-tniġġis bl-istorbju u tal-arja, il-preżervazzjoni tar-riżorsi, iżda wkoll kwistjonijiet soċjali fil-qasam tat-trasport bħalma huma d-drittijiet tal-impjegati, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess affordabbli għat-trasport pubbliku inġenerali, inklużi l-persuni mdaħħla fiż-żmien u l-persuni b’diżabbiltà, b’kunsiderazzjoni għad-dritt tagħhom għall-mobbiltà kif ukoll l-aċċess ugwali għall-faċilitajiet fiżiċi u l-informazzjoni. Għandu jikkunsidra wkoll il-politika tal-viċinat fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport.

1.13

Il-Kumitat jikkunsidra strateġija bbażata fuq l-innovazzjoni, l-inċentivi u l-infrastruttura (l-istrateġija tat-3 “I”) l-aktar mezz kosteffettiv biex jintlaħaq l-iżvilupp sostenibbli.

1.14

Fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli tal-politika tat-trasport u l-ippjanar tal-UE għat-TEN-T, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu studjati l-possibbiltajiet li jitneħħew l-ostakoli attwali mhux ġustifikati għall-mezzi tat-trasport ħalli l-kapaċità tkun tista’ tintuża kompletament. Għandu jitħeġġeġ pjanar aħjar tal-mobbiltà sabiex tiġi promossa imġiba kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli. L-isfida hija li ninfluwenzaw l-intensità tal-mobbiltà u t-trasport fl-ekonomiji tagħna.

1.15

Il-Kumitat jappoġġja għal kollox l-approċċ tal-Kummissjoni ppreżentat fil-Whiter Paper rigward koordinazzjoni akbar fil-livell Ewropew. Biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi stabbiliti fil-qasam tal-iżvilupp tat-TEN-T, bir-restrizzjonijiet finanzjarji serji, ser ikun hemm bżonn ta’ koordinazzjoni adegwata tal-politika tal-infrastruttura Ewropea li tkun integrata mill-ippjanar strateġiku sal-implimentazzjoni finali tal-proġetti finali. Issa wasal iż-żmien li jinkisbu r-riżultati.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fil-kuntest tal-presidenza li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, dik Pollakka, fit-tieni nofs tal-2011, il-KESE ntalab ifassal opinjoni esploratorja dwar is-suġġett tal-“iżvilupp sostenibbli tal-politika u l-ippjanar tat-trasport għat-TEN-T”, fost suġġetti oħra.

2.2

Meta wieħed iqis l-importanza tas-suġġett, il-ħtieġa li jitwettaq id-dritt fundamentali tal-benefiċċju tal-mobbiltà u fid-dawl tal-fatt li s-settur tat-trasport jiġġenera 10 % tal-ġid Ewropew f’termini ta’ PDG u jipprovdi aktar minn 10 miljun impjieg, filwaqt li fl-istess ħin it-tkabbir kostanti fil-mobbiltà joħloq pressjoni qawwija fuq is-sistemi tat-trasport, li twassal għall-konġestjoni, inċidenti u tniġġis, il-KESE fehem ħafna u aċċetta t-talba tal-presidenza li jmiss, dik Pollakka.

2.3

Il-Kummissjoni Ewropea ppreparat White Paper ġdida dwar it-trasport, li tistabbilixxi l-pjani tal-Kummissjoni Ewropea għall-għaxar snin li jmiss, li jipprevedu sistema tat-trasport differenti sal-2020, b’żona tat-trasport Ewropew unika, swieq miftuħin, infrastruttura ekoloġika u teknoloġiji b’użu baxx tal-karbonju.

2.4

Aspett importanti ta’ din is-sistema ġdida tat-trasport huwa in-netwerk TEN-T. Din hija r-raġuni għalfejn għandha tingħata attenzjoni kbira lir-reviżjoni tal-linji gwida tal-UE dwar in-netwerk TEN-T.

2.5

Bħala parti mir-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T, il-Kummissjoni qed tipproponi li tiżviluppa dak li qed issejjaħ netwerk ewlieni, li jissovrapponi netwerks tat-trasport komprensivi, koerenti u bażiċi u li jkopri ċentri u konnessjonijiet strateġiċi.

2.6

Il-Kummissjoni qed tgħid li din il-bażi għal sistema integrata tat-trasport Ewropew tikkontribwixxi biex tindirizza problemi konsistenti fl-ippjanar tat-TEN-T. Is-soluzzjoni ta’ dawn il-problemi hija urġenti peress li ż-żieda fit-traffiku bejn l-Istati Membri hija mistennija li tirdoppja sal-2020.

2.7

L-isfida għall-UE hija li tifformola politika li, meta tiġi implimentata, tista’ ġġib flimkien l-ambizzjoni tat-tkabbir ekonomiku fil-forma ta’ żieda fit-trasport, tal-koeżjoni, tal-ħolqien tal-impjiegi u tal-iżvilupp sostenibbli.

2.8

Biex din l-isfida tinkiseb ikun utli li wieħed iħares lejn ir-raġunijiet li għalihom il-proġetti li ntgħażlu fil-passat ma kellhomx is-suċċess li kien mistenni.

2.9

B’mod wiesa’, il-Kumitat, filwaqt li jqis ir-rwol ewlieni tat-TEN-T fil-ħolqien ta’ politika tat-trasport effiċjenti u netwerk ta’ infrastruttura koerenti fi ħdan l-UE, jaqbel mal-Kummissjoni li r-raġunijiet li ġejjin huma rilevanti:

it-TEN-T tal-lum tikkonsisti f’assemblea ta’ sezzjonijiet nazzjonali li m’humiex magħqudin tajjeb flimkien; is-sezzjonijiet transkonfinali u l-punti ta’ konġestjoni l-kbar jiffurmaw konnessjonijiet neqsin fin-netwerk tal-infrastruttura;

in-nuqqas ta’ netwerks koerenti interoperabbli, fl-Istati Membri kollha tal-UE speċjalment fis-settur tal-ferroviji u fl-applikazzjoni ta’ sistemi intelliġenti tat-trasport għall-mezzi kollha tat-trasport;

it-tradizzjoni fl-Istati Membri li jużaw regoli u livelli ta’ operat ibbażati fuq tradizzjonjiiet u leġislazzjonijiet antiki li jfixklu l-effikaċja ta’ investimenti kbar fl-infrastruttura. Il-Kumitat jissuġġerixxi li dawn ir-regoli u l-livelli għandhom jiġu definiti f’livell għoli ta’ sigurtà u kwalità;

in-nuqqas ta’ integrazzjoni intermodali, pereżempju n-nuqqas ta’ netwerks fiżiċi integrati u ta’ punti tat-trasbordar intermodali li jaħdmu tajjeb jikkawżaw nuqqas fil-kapaċitajiet li jippermettu l-operazzjonijiet tat-trasport intermodali;

id-diskrepanzi li għadhom jeżistu fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport bejn l-Istati Membri tal-UE differenti;

in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà suffiċjenti għat-trasport f’xi reġjuni Ewropej.

2.10

Biex jiġu kkunsidrati n-nuqqasijiet tal-passat, il-kwistjonijiet ewlenin li jridu jiġu indirizzati biex nibbenefikaw minn TEN-T funzjonali, interoperabbli u intermodali huma ċari, fosthom: il-ħolqien ta’ netwerk ta’ kwalità għolja fl-Istati Membri kollha b’attenzjoni speċjali għas-sezzjonijiet transkonfinali, il-punti ta’ konġestjoni, u ċ-ċentri, li jiffaċilita l-operazzjonijiet komodali permezz tal-integrazzjoni tal-mezzi kollha tat-trasport u t-tħaddim bla ostakli permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli tal-operat, li għandhom jassiguraw livell għoli ta’ sigurtà u kwalità.

2.11

Approċċ fuq dawn il-linji jindirizza wkoll għanijiet aktar wesgħin tal-politika tat-trasport u jappoġġjaw l-effiċjenza fir-riżorsi tal-Ewropa u l-isfidi tal-klima.

3.   Kummenti Ġenerali

3.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem fuq Poltika ġdida għan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew li tipprovdi l-opportunità li tintlaħaq koeżjoni soċjali u ekonomika bejn ir-reġjuni kollha fit-territorju tal-UE, inkluż dawk periferiċi u li dan jista’ jintlaħaq biss b’infrastruttura tat-trasport effiċjenti li tgħaqqadhom flimkien.

3.2

B’dan il-ħsieb, il-Kumitat huwa konvint li l-iżvilupp u t-tkomplija progressivi tan-netwerk Trans-Ewropew, bħala l-bażi tal-infrastruttura għall-fluss tal-merkanzija u l-moviment ħieles tan-nies fis-suq intern, jibqgħu għan ta’ politika vitali għall-UE li jġib flimkien il-partijiet tal-Punent u tal-Lvant tal-Unjoni u b’hekk tinħoloq iż-Żona Unika tat-Trasport Ewropew futura.

3.3

L-aktar dokument reċenti ppubblikat dwar l-eżekuzzjoni tal-programm TEN-T huwa r-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-2007-2013 TEN-T MAP, ippubblikat f’Ottubru 2010. Fih hemm reviżjoni ta’ 92 proġett, li bejniethom jagħmlu madwar żewġ terzi tal-baġit totali tat-TEN-T (EUR 5,5 biljun minn total ta’ EUR 8 biljun). Meta wieħed iħares fejn huma allokati dawn il-proġetti, il-Kumitat jiddispjaċiħ li parti żgħira biss minnhom tinsab fil-parti tal-Lvant tal-Unjoni.

3.4

Waħda mir-raġunijiet għal dan hija n-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti fl-Istati Membri l-ġodda. Raġuni oħra hija l-kundizzjonijiet differenti li jridu jiġu sodisfati għall-użu tal-Fondi tal-Koeżjoni u l-Fondi Soċjali meta mqabbla mal-Fondi tat-TEN-T. Il-Kumitat jirrakomanda li ssir analiżi tad-dewmien fl-iżvilupp tal-infrastruttura fl-Istati Membri l-ġodda kif ukoll rigward il-livell baxx ta’ applikazzjoni u eżekuzzjoni tal-fondi tat-TEN-T mill-Istati Membri l-ġodda.

3.5

Il-Kumitat jisħaq li, jekk l-iskop tal-UE huwa li toħloq suq tat-trasport uniku, veru u integrat fl-Ewropa, hemm bżonn ta’ bidla radikali fl-istruttura finanzjarja u fl-għażla tal-proġetti tan-netwerk TEN-T. L-isfida hija li ninfluwenzaw l-intensità tal-mobbiltà u t-trasport fl-ekonomiji tagħna.

3.6

Il-Kumitat huwa konxju li, fi ħdan il-qafas tal-Istrateġija 2020, l-iżvilupp ta’ Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew irid ikun iffukat fuq l-iżvilupp ta’ sistema tat-trasport effiċjenti fir-riżorsi li hija mibnija fuq l-innovazzjoni u li tindirizza t-tibdil fil-klima, is-sostenibbilità soċjali u l-isfidi ambjentali.

3.7

F’dan ir-rigward, il-Kumitat irid jiġbed l-attenzjoni li kien fassal diversi opinjonijiet fil-passat dwar is-suġġett, bħall-opinjonijiet dwar it-TEN-T: Eżami tal-politika  (3); Futur sostenibbli […] għall-Politika Ewropea tat-Trasport wara l-2010  (4); Lejn trasport marittimu u dak fuq l-ibħra interni aktar ekoloġiku  (5) ; It-trasport bit-triq fl-2020  (6) ; In-netwerk ferrovjarju għat-trasport tal-merkanzija  (7) ; Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni  (8) ; Il-Promozzjoni ta’ “NAIANDES” għat-trasport fuq l-ilmijiet interni  (9) ; TEN-T: Eżami tal-politika – Lejn netwerk trans-Ewropew integrat aħjar għad-dispożizzjoni tal-politika komuni tat-trasport  (10) ; il-Politika Ewropea tat-trasport/strateġija ta’ Lisbona l-iżvilupp sostenibbli  (11).

3.8

Fl-opinjoni tiegħu TEN-T: eżami tal-politika, il-Kumitat ikkonkluda li “Fir-rigward tal-problema taż-żieda fl-emissjonijiet tas-CO2 u tan-nuqqasijiet fl-infrastruttura u fl-organizzazzjoni tat-trasport tal-merkanzija, il-KESE huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li għandhom jinstabu soluzzjonijiet komodali għal dan il-mezz tat-trasport sabiex jinħolqu sinerġiji għall-benefiċċju tal-utent”.

3.9

Fl-opinjoni tiegħu il-Politika Ewropea tat-trasport/strateġija ta’ Lisbona l-iżvilupp sostenibbli il-KESE jikkunsidra li, minħabba d-dipendenza tas-settur tat-trasport fuq il-karburanti fossili u l-fatt li dawn huma limitati, il-politika tat-trasport Ewropea tal-ġejjieni, filwaqt li żżomm il-kompetittività tas-settur bħala parti mill-Istrateġija 2020, trid issegwi erba’ miri ewlenin:

il-promozzjoni ta’ mezzi tat-trasport b’użu baxx tal-karbonju

effiċjenza enerġetika

sigurtà u indipendenza tal-provvista u

it-tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku.

3.10

Huwa ċar li l-Ewropa tinsab maqbuda f’dilemma: minn naħa tixtieq toħloq suq uniku tat-trasport integrat għas-27 Stat Membru kollha, li jirrikjedi l-investiment ta’ somom kbar ta’ flus fl-infrastruttura, peress li l-infrastruttura hija l-bażi tas-solidarjetà; min-naħa l-oħra hemm limitazzjonijiet fil-forma ta’ nuqqasijiet baġitarji u miri sabiex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u sustanzi oħra ta’ tniġġis.

3.11

Il-KESE diġà ta suġġerimenti sabiex tingħeleb din id-dilemma li għandhom ukoll effett dirett u tanġibbli fuq l-ispejjeż f’għadd ta’ opinjonijiet hawn fuq imsemmija: li jintgħażlu l-aktar karburanti li jirrispettaw l-ambjent u dawk li huma l-aktar rinnovabbli, li jnaqqsu sew l-emissjonijiet tas-CO2, li jużaw il-komodalità, l-introduzzjoni tal-kunċett tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha tat-trasport u l-aħħar iżda mhux l-inqas, l-introduzzjoni ta’ strumenti finanzjarji oħra bħall-użu attent u selettiv tas-Sħubija Pubblika Privata fil-ffinanzjament tal-fondi tat-TEN-T, li jikkunsidra l-livelli differenti ta’ esperjenza bejn l-Istati Membri fl-użu tas-Sħubijiet u r-rikonoxximent tal-ħtieġa li jiġu mobilizzati l-Istrutmenti Finanzjarji tal-UE (pereżempju l-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni, TENs, u BEI) bħala parti minn strateġija ta’ ffinanzajar konsistenti li ġġib flimkien il-fondi Ewropej, dawk pubbliċi nazzjonali u dawk privati. Biex l-awtoritajiet pubbliċi jingħataw għażla ħielsa dwar jekk jipparteċipawx fi Sħubijiet, il-KESE jirreferi għall-opinjoni tiegħu li d-definizzjoni tas-Sħubijiet fil-proċeduri tal-Eurostat dwar id-dejn pubbliku għandha tiġi riveduta (12).

3.12

Il-KESE huwa preokkupat dwar il-limitazzjonijiet finanzjarji għall-proġetti TEN-T fil-livell Ewropew li jistgħu ma joffrux biżżejjed inċentivi biex l-Istati Membri jidħlu għal dawn il-proġetti. Għalhekk il-KESE jirreferi għall-opinjonijiet tiegħu li fihom jissuġġerixxi li għandhom jiġu mfittxa sorsi ġodda ta’ dħul pubbliku (13).

3.13

Fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2, filwaqt li t-trasport jikkostitwixxi biċċa sew (24 %) mill-produzzjoni tas-CO2 tal-UE, il-Kumitat jixtieq jindika li għandha tingħata attenzjoni speċjali lid-dimensjoni urbana tat-trasport. Il-bliet jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-popolazzjoni fl-UE u huma responsabbli għal kwart mill-emissjonijiet tas-CO2 tat-trasport, u l-piż tagħhom għadu qed jiżdied. Sabiex it-trasport isir aktar sostenibbli, jidher biċ-ċar li l-bliet iridu jassumu r-responsabbiltà tagħhom u għaldaqstant għandhom jiġu appoġġjati fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. Fl-UE, it-trasport tal-merkanzija fuq distanzi twal, min-naħa l-oħra, isseħħ l-aktar tul kurituri komodali importanti. Għandha tkun ta’ prijorità li dawn il-kurituri ta’ trasport isiru aktar effettivi u sostenibbli. Għandha titħeġġeġ organizzazzjoni aħjar tal-mobbiltà sabiex tiġi promossa mġiba kompatibbli mal-iżvilupp sostenibbli.

3.14

Minkejja l-fatt li l-UE għandha problemi ta’ finanzjament, li l-aċċettazzjoni lokali għal infrastruttura ġdida ħafna drabi hija baxxa, u minkejja l-impatt ambjentali ta’ dawn l-investimenti, xorta waħda tinħtieġ infrastruttura ġdida sabiex jissolvew in-nuqqasijiet u l-ostakli fin-netwerk eżistenti. L-Istati Membri l-ġodda, b’mod speċjali, għad għandhom ħafna minn dawn in-nuqqasijiet u ostakli.

3.15

Il-Kumitat huwa konvint li, apparti minn dan u sabiex titjieb il-komodalità, l-attivitajiet u l-flus għandhom b’mod ġenerali jkunu kkonċentrati fuq in-nodi tas-sistema tat-trasport bħalma huma l-pjattaformi tat-trasbord, peress li dawn qed isiru aktar u aktar ta’ ostakli u għalhekk jeħtieġu attenzjoni partikolari u għall-kurituri ta’ bejniethom. It-teknoloġija u s-sistemi tat-trasport intelliġenti jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira, b’mod speċjali fil-bliet. Waħda mill-isfidi hija li dawn jiġu implimentati u jiġu integrati fil-modi differenti tat-trasport.

3.16

Ir-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T se jkollha tqis ukoll punti ta’ konġestjoni u konnessjonijiet li ma jeżistux biex tinkoraġġixxi żvilupp tal-infrastruttura tat-trasport ibbilanċjat u sostenibbli fil-partijiet kollha tal-Unjoni, speċjalment f’dik tal-Lvant, fejn hemm nuqqas ta’ konnessjonijiet ta’ kwalità għolja tal-ferrovija u tat-triq, soluzzjonijiet komodali għal għadd ta’ ostakli importanti fil-konnessjonijiet u n-nodi għadhom meħtieġa.

3.17

Għalkemm il-Kumitat japprova l-idea tal-Kummissjoni ta’ strateġija ta’ netwerk ewlieni għall-kurituri transkonfinali l-aktar importanti kollha, huwa japprova wkoll li jitkomplew l-isforzi biex, fil-ġejjieni, il-finanzjament tal-UE jkun disponibbli għall-iżvilupp ta’ netwerk komprensiv, b’mod partikolari għall-Istati Membri eliġġibbli għall-Fond ta’ Koeżjoni, f’termini simili għal dawk fil-perspettiva finanzjarja attwali.

3.18

Din tikkonforma mal-idea li l-koeżjoni soċjali u ekonomika ma tistax tinkiseb mingħajr ma jinbnew l-elementi neqsin kollha tan-netwerk sħiħ tat-TEN-T u mingħajr ma jitjiebu b’mod sostenibbli l-elementi tan-netwerk eżistenti u dawk futuri li huma f’kundizzjoni ħażina.

3.19

Bil-ħsieb tas-sigurtà, il-Kumitat jixtieq jiġbed attenzjoni b’mod partikolari għat-titjib fid-disinn tal-infrastruttura fosthom il-mini.

3.20

Il-KESE huwa tal-fehma li għandha ssir iktar enfasi fuq it-trasparenza tal-eżekuzzjoni tal-proġetti tat-TEN-T, mhux biss matul il-konsultazzjonijiet jew l-għażla, iżda anke tul il-fażijiet meta tkun qed titwettaq il-ħidma. Filwaqt li jirrikonoxxi li r-responsabbiltà ewlenija f’dan ir-rigward taqa’ fuq il-gvernijiet nazzjonali, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun iktar miftuħa fid-djalogu tagħha mal-imsieħba nazzjonali u timponi standards ta’ trasparenza ogħla fl-eżekuzzjoni tal-proġetti billi l-pubbliku jingħata iktar informazzjoni dwar l-istat fiżiku u finanzjarju tal-proġetti individwali fuq bażi regolari.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-Kumitat jemmen li l-iżvilupp sostenibbli tal-politika tat-trasport tal-UE jista’ jiġi appoġġjat b’mod sinifikanti permezz ta’ azzjoni ta’ strutturi ta’ djalogu soċjali u/ jew djalogu tal-partijiet interessati fl-istrutturi tal-kurituri tat-trasport trans-Ewropew li qed jaħdmu jew qed jinbnew. Il-KESE jappella biex dawn it-tipi ta’ strutturi jiġu attivati mill-ġdid.

4.2

Fil-qafas tat-TEN-T ġdid il-Kumitat jirrakkomanda li “trid tingħata attenzjoni speċjali lill-hekk imsejħa politika tal-viċinat, jiġifieri l-konnessjonijiet lejn it-Tramuntata, il-Lvant u n-Nofsinhar tal-UE, għalhekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq kollox fuq in-netwerk aktar milli fuq proġetti ta’ infrastruttura individwali”. Dan jippromovi wkoll is-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

4.3

Fir-rigward tal-ippjanar tal-futur tat-TEN-T, il-Kumitat japprova fl-opinjoni tiegħu TEN-T: Eżami tal-politika  (14) l-approċċ tal-Kummissjoni kif imniżżel fil-Green Paper tagħha, ibbażat fuq il-prinċipju li kull mod tat-trasport għandu jintuża skont il-vantaġġi kumparattivi tiegħu fil-ktajjen tat-trasport komodali u li kull mod b’hekk ikollu rwol importanti fil-ksib tal-objettivi Komunitarji tat-tibdil fil-klima. L-objettiv irid jibqa’ li jkun hemm bidla lejn l-aktar katina tat-trasport li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent.

4.4

F’dan ir-rigward il-Kumitat jixtieq ifakkar fil-kunċett ta’ Kurituri Ekoloġiċi li ġie introdott mill-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni tat-Trasport tal-Merkanzija fl-2007. Il-kunċett jimmira għall-ħolqien ta’ soluzzjonijiet loġistiċi komodali sostenibbli bi tnaqqis dokumentat tal-impatt ambjentali u klimatiku, livell għoli ta’ sigurtà u kwalità u effiċjenza kbira permezz ta’ pjattaformi ta’ dimostrazzjoni tul kurituri internazzjonali bi flussi kkonċentrati ta’ oġġetti. Il-Kumitat jixtieq jorbot dan il-kunċett mal-kurituri tan-netwerk komodali ta’ qofol li huma ta’ standard għoli tat-TEN-T, li jistgħu jkunu adatti għal dan l-iżvilupp f’kooperazzjoni bejn l-imsieħba pubbliċi u privati.

4.5

Il-Kummissjoni ddikjarat li s-sistema attwali għandha tinbidel b’mod radikali. L-Istati Membri l-ġodda ma jibbenefikawx mill-fondi tal-UE bl-istess mod bħall-Membri “il-qodma”. Biex jinħolqu kundizzjonijiet ġusti, iridu jiġu żviluppati modi ġodda ta’ finanzjament.

4.6

Il-Kumitat jiddubita kemm huma validi l-argumenti li użat il-Kummissjoni biex tiġġustifika dawn l-għażliet ta’ proġetti għall-iffinanzjar. Il-Kummissjoni tgħid li “dawn il-proġetti jgħinuna nħejju għall-prijoritajiet tat-trasport futuri: l-aktar billi jagħmlu t-trasport aktar ekoloġiku, joħolqu konnessjoni bejn il-Lvant u l-Punent tal-Ewropa, u jipprovdu appoġġ għall-isħubijiet publiċi privati”. Għallinqas jistgħu jitqajmu mistoqsijiet dwar it-titjib tal-konnessjoni bejn il-Lvant u l-Punent, filwaqt li l-Kumitat irid jikkunsidra wkoll possibbiltajiet ta’ ffinanzjar oħra barra mis-Sħubijiet.

4.7

L-idea tal-Kummissjoni, bil-ħatra tal-Koordinaturi Ewropej, li tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali flimkien mal-iffukar fuq appoġġ fit-tul għall-maġġoranza tal-proġetti ta’ infrastrutturi kritiċi u l-implimentazzjoni ta’ aġenzija eżekuttiva kellhom jikkontribwixxu għal aktar trasparenza u suppost ikkontribwew b’mod pożittiv għall-iżvilupp tat-TEN-T. Iżda l-analiżi tal-Koordinaturi Ewropej, kif ukoll ir-riżultati tar-reviżjoni tal-portafoll multiannwali, ikkonfermaw li l-progress li nkiseb s’issa kien frammentat minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri.

4.8

Il-Kumitat jissuġġerixxi li, fuq il-bażi ta’ TEN-T definit mill-ġdid, l-hekk imsejħa “kuntratti tal-programm” għandhom jiġu ffirmati bejn l-UE u kull Stat Membru, u għandhom jiġu stabbiliti impenji reċiproċi dwar l-iffinanzjar u l-iskadenzi għat-tkomplija. Dawn il-kuntratti ta’ programm għandhom ikopru mhux biss l-infrastruttura li hija parti mit-TEN-T, iżda wkoll l-infrastruttura sekondarja li l-Istati jimpenjaw ruħhom li jlestu sabiex jiżguraw it-tħaddim tajjeb tan-newtwerks prinċipali u biex il-popolazzjoni jkollha servizz aħjar. Il-Kumitat jemmen li s-soċjetà ċivili għandha tipparteċipa fil-proċess tat-tħejjija ta’ “kuntratti tal-programm” bħal dawn biex itejbu l-effiċjenza tal-implimentazzjoni ulterjuri tal-proġetti maqbula.

4.9

Fir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Term tal-Proġett tal-Portafoll Map tat-TEN-T, 2007-2013, il-Kummissjoni kkonkludiet li mit-92 proġett inkluż fil-portafoll, 21 huma proġetti transkonfinali fejn il-mod tat-trasport li jirċievi l-aktar appoġġ huwa l-ferrovija, warajh hemm dak tal-passaġġi tal-ilma interni, filwaqt li l-Kummissjoni tikkonkludi fid-dokument tagħha “Il-Politika l-ġdida tan-Netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew” li b’mod ġenerali, il-proġetti għat-trasport bit-triq u bl-ajru, kif ukoll – iżda anqas minn hekk – dak bil-baħar, jidhru sejrin tajjeb meta mqabbla ma’ dawk bil-ferrovija u bil-passaġġi tal-ilma interni.

4.10

Il-Kumitat jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tiċċara x’qed jinftihem bil-kunċett ta’ sostenibbiltà. Sabiex tkun tista’ tiġġudika jekk proġett propost hux qed jissodisfa r-rekwiżiti ta’ “sostenibbiltà”, jeħtieġ li jkun ċar x’inhuwa l-kontenut ta’ dan il-kunċett, preferibbilment f’termini kwantitattivi.

4.11

B’din il-premessa, il-Kumitat jixtieq jenfasizza li s-sostenibbiltà tinkludi – apparti mill-kontribut fundamentali lejn it-tkabbir ekonomiku – mhux biss il-miri ambjentali bħalma huma l-ħarsien tal-klima, it-tniġġis bl-istorbju u tal-arja, il-preżervazzjoni tar-riżorsi, iżda wkoll kwistjonijiet soċjali fil-qasam tat-trasport bħalma huma d-drittijiet tal-impjegati, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-aċċess affordabbli għat-trasport pubbliku inġenerali, iżda b’mod speċjali għall-persuni mdaħħla fiż-żmien u l-persuni b’diżabbiltà, b’kunsiderazzjoni tal-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà għall-faċilitajiet fiżiċi u għall-informazzjoni.

4.12

Il-Kumitat jixtieq jagħmilha ċara li huwa jappoġġja strateġija bbażata fuq l-innovazzjoni, l-inċentivi u l-infrastruttura (l-hekk imsejħa strateġija tat-3 “I”) bħala l-aktar mezz kosteffettiv biex jintlaħaq l-iżvilupp sostenibbli:

innovazzjoni: li jiġu żviluppati u implimentati aktar mis-sors miżuri tekniċi u prattiki operattivi għat-tnaqqis tal-impatt ambjentali tat-trasport.

inċentivi: li titħeġġeġ introduzzjoni rapida mill-modi kollha tat-trasport tal-aqwa teknoloġiji u prattiki disponibbli.

infrastruttura: li jkunu żgurati traffiku sigur mexxej u effiċjenza bl-użu ta’ infrastruttura eżistenti flimkien ma’ investiment adegwat f’infrastruttura ġdida għat-tneħħija ta’ ostakli u konnessjonijiet neqsin.

4.13

Il-KESE jinnota li mod wieħed kif jista’ jintlaħaq dan il-għan ta’ żvilupp sostenibbli tal-Unjoni Ewropea huwa approċċ integrat tan-netwerks trans-Ewropej (TENs). Il-KESE huwa konvint li approċċ integrat jista’ jħaffef l-implimentazzjoni tan-netwerks trans-Ewropej ippjanati u jnaqqas l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni assoċjati magħha, meta mqabbel mal-approċċ li ma jqisx l-effetti ta’ sinerġija possibbli bejn it-tipi differenti ta’ netwerks (15).

4.14

Il-Kumitat jikkunsidra li, meta wieħed iħares lejn il-kriżijiet ekonomiċi fl-Ewropa u l-baġit ristrett disponibbli għat-TEN-T, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-istrumenti finanzjarji differenti li jiffinanzjaw it-TEN-T kif ukoll li jinstabu sorsi finanzjarji ġodda u mekkaniżmi ta’ kreditu.

4.15

Il-Kumitat jappoġġja għalkollox l-approċċ tal-Kummissjoni ppreżentat fil-White Paper rigward koordinazzjoni akbar fil-livell Ewropew. Biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi stabbiliti għat-TEN-T, bir-restrizzjonijiet finanzjarji serji, ser ikun hemm bżonn ta’ koordinazzjoni adegwata tal-politika tal-infrastruttura Ewropea li tkun iktar integrata, ikkordinata fil-livell Ewropew, mill-ippjanar strateġiku sal-implimentazzjoni finali tal-proġetti finali.

4.16

Skont il-KESE, il-White Paper tressqet fl-aħjar żmien. Din għandha tippermetti l-formulazzjoni ta’ messaġġ politiku qawwi fil-kuntest tar-Reviżjoni li jmiss tal-Baġit tal-UE. Il-finanzjament futur tal-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport tal-UE għandha tindirizza ambizzjonijiet realistiċi sabiex tinħoloq żona Ewropea unika tat-trasport fl-iktar perjodu ta’ żmien qasir possibbli.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 57-64 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi”) u ĠU C 132, 3.5.2011, p. 99-107 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ Żona Unika Ferrovjarja Ewropea”).

(2)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 59 - 66 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati”).

(3)  ĠU C 318, 23.12.2009, p.101.

(4)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 110.

(5)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 20.

(6)  ĠU C 277, 17.11.2009, p.25.

(7)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 41.

(8)  ĠU C 77, 31.3.2009, p.70.

(9)  ĠU C 317, 23.12.2009, p.80.

(10)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 218.

(11)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 23.

(12)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 59 – 66 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati”).

(13)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 57-64 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi”) u ĠU C 132, 3.5.2011, p. 99-107 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ Żona Unika Ferrovjarja Ewropea”).

(14)  ĠU C 318, 23.12.2009, p.101.

(15)  ĠU C 204, 9.8.2008, p. 25 (Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar It-taħlita enerġetika fit-trasport).


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għas-Sħubija tal-Lvant”

2011/C 248/06

Relatur: is-Sur MORKIS

F'ittra tal-15 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iħejji opinjoni esploratorja dwar

Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għas-Sħubija tal-Lvant.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu (seduta tas-16 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'133 vot favur, vot wieħed kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jagħti importanza kbira lis-Sħubija tal-Lvant bħala ħtieġa strateġika u investiment politiku tal-UE li minnu jistgħu jibbenefikaw iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba tagħha fil-futur. L-avvenimenti fir-reġjun tal-Mediterran taw prova tal-fatt li r-rwol tas-soċjetà ċivili jibqa' importanti ħafna fit-transizzjoni lejn id-demokrazija, fir-riforma kostituzzjonali u l-bini tal-istituzzjonijiet. Għalhekk il-kontribut tas-soċjetà ċivili fis-Sħubija tal-Lvant għandu jiġi appoġġjat u kkunsidrat sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-proċess.

1.2   Il-KESE jilqa' l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant, li tnediet b'mod uffiċjali f'Mejju 2009. Il-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant tejbu u saħħu r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE permezz tad-djalogu dwar il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, iż-żoni ta’ kummerċ ħieles, l-iffaċilitar tal-viża u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u dwar kwistjonijiet oħra. (Sfortunatament, wara l-avvenimenti li segwew l-elezzjonijiet presidenzjali f'Diċembru 2010, il-Bjelorussja marret lura ħafna fir-relazzjonijiet tagħha mal-UE.)

1.3   Il-kontribut tas-soċjetà ċivili fit-triq multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant

1.3.1   Il-parteċipażżjoni fil-pjattaformi intergovernattivi u tematiċi tas-Sħubija tal-Lvant

1.3.1.1   Il-KESE ġie mistieden jipparteċipa fi tlieta mill-erba' pjattaformi tematiċi u intergovernattivi tas-Sħubija tal-Lvant u huwa kien f'pożizzjoni li jesprimi l-fehmiet tas-soċjetà ċivili f'dawn il-pjattaformi.Madanakollu l-KESE jitlob lill-Kummissjoni tistieden lill-Kumitat jipparteċipa u jikkollabora fil-pjattaforma 3 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fid-dawl tal-għarfien espert tiegħu fil-qasam.

1.3.1.2   Il-Kumitat iqis li r-rappreżentanti tal-gruppi ta’ ħidma rilevanti fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant għandhom jitħallew jipparteċipaw fil-laqgħat tal-pjattaformi tematiċi u intergovernattivi.

1.3.2   Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant

1.3.2.1   Il-Kumitat jilqa' wkoll il-fatt li f'Novembru 2009 twaqqaf il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant. Il-Kumitat jemmen li l-pjattaformi nazzjonali tal-Forum huma strument totalment adegwat għall-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant fil-pajjiżi msieħba bl-involviment tas-soċjetà ċivili. Però jiddispjaċih li min iħaddem, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet soċjoekonomiċi (bdiewa, konsumaturi) fil-livell nazzjonali ma ġewx involuti jew ftit li xejn ġew involuti fl-attivitajiet tal-pjattaformi nazzjonali.

1.3.2.2   Billi bħalissa l-imsieħba soċjali mhumiex rappreżentati b'mod adegwat fil-Forum tas-Sħubija tal-Lvant, il-Kumitat jitlob li ssir reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Forum, b'mod partikolari dawk relatati mal-proċedura ta’ selezzjoni sabiex il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema u tar-rappreżentanti ta’ gruppi ta'interess oħra kemm mill-UE kif ukoll minn pajjiżi msieħba oħra tingħata iktar prominenza.

1.3.2.3   Il-Kumitat jitlob li ssir reviżjoni tal-għamla tal-Forum sabiex l-attivitajiet tiegħu jitfasslu b'mod aktar effiċjenti filwaqt li, fl-istess ħin, jintużaw b'mod aktar effettiv il-fondi disponibbli. L-attenzjoni tista' titpoġġa fuq ħidma kontinwa u ffukata fuq il-proġetti (fil-qafas tal-gruppi ta’ ħidma tal-Forum u tal-pjattaformi nazzjonali).

1.3.2.4   Il-Kumitat jipproponi li jiżdied in-numru ta’ rappreżentanti tal-UE fil-Forum sabiex jinħoloq skambju ta’ esperjenzi u tiġi promossa l-konverġenża mal-valuri Ewropej. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bit-344 membru tiegħu li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili organizzata tal-UE, huwa kwalifikat sew biex ikollu rwol attiv fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan il-Forum tas-Soċjetà Ċivili jekk ir-regoli tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili jipprovdu għal involviment miżjud u permanenti kemm fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili kif ukoll fil-Kumitat tat-Tmexxija.

1.3.2.5   Minħabba li l-isfera ta’ impatt tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili u, b'mod partikolari, tal-kamp ta’ azzjoni tal-pjattaformi nazzjonali qegħdin dejjem jikbru, il-Kumitat lest li jagħti kontribut għal funzjonament aħjar tal-Forum. Huwa tal-fehma wkoll li hemm bżonn jitwaqqaf segretarjat, anke fid-dawl tal-ħidma tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

1.3.2.6   Fil-każ li t-tħaddim tal-Forum ma jeliminax l-inadegwatezza strutturali tiegħu, il-Kumitat ser jikkunsidra modi oħra ta’ mobilizzazzjoni tal-atturi soċjoekonomiċi tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant.

1.4   It-tisħiħ tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż msieħba u l-kontribut fit-triq bilaterali tas-Sħubija tal-Lvant

1.4.1   Il-Kumitat qed isegwi l-avvenimenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran mill-qrib. Huwa konvint li l-UE għandha tappoġġja l-proċess ta’ demokratizzazzjoni u stabbilizzazzjoni f'dan ir-reġjun. Fl-istess ħin, il-KESE jappella għal approċċ bilanċjat u fit-tul rigward il-ġirien tan-Nofsinhar u tal-Lvant, anke fil-qasam tal-għajnuna finanzjarja għar-riformi politiċi u ekonomiċi, l-adattament għall-istandards tal-UE u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili.

1.4.2   Fil-fehma tal-Kumitat, finanzjament insuffiċjenti jista' jwassal biex ma jintlaħqux l-istennijiet mis-Sħubija tal-Lvant bħala strument importanti li jippromovi l-konverġenza mal-valuri Ewropej. F'dan ir-rigward il-KESE jilqa' bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi l-Politika Ewropea tal-Viċinat iżda jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni “Rispons ġdid għal viċinat li qed jinbidel” ma tinsistix fuq il-ħolqien ta’ mekkaniżmi għal konsultazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u ma tagħmel assolutament l-ebda rabta mal-Istituzzjoni tas-Soċjetà Ċivili tal-UE stess u r-rwol li l-KESE jista' jaqdi f'dan il-proċess.

1.4.3   Il-KESE lest li jilqa' proposta li jinħolqu Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija u Faċilità għas-Soċjetà Ċivili. Madankollu, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni titgħallem mill-esperjenza li nkisbet mill-Faċilità tal-Viċinat għas-Soċjetà Ċivili fil-Balkani sabiex jiġu evitati ċerti nuqqasijiet.

1.4.4   Il-Kumitat jaħseb li l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet indipendenti fil-pajjiżi msieħba hija importanti immens. Madankollu, il-Kumitat xorta jemmen fil-bżonn ta’ kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet eżistenti li jiddependu fuq il-gvernijiet, filwaqt li jiġi appoġġjat it-twaqqif ta’ trade unions indipendenti u organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem li jkunu jistgħu jipparteċipaw fi djalogu soċjali reali, ixerrdu l-ideat tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol kif ukoll jaħdmu għal għanijiet oħra tal-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant.

1.4.5   Il-KESE jikkunsidra li t-tisħiħ tad-djalogu bejn il-gvernijiet u s-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali huwa prerekwiżit għad-demokratizzazzjoni tas-soċjetajiet fil-pajjżi tal-Lvant u l-konverġenza tagħhom mal-valuri Ewropej. Hemm ħtieġa partikolari għat-tisħiħ tar-rwol tas-soċjetà ċivili fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ Pjani ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

1.4.6   Il-Kumitat jitlob li jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni tas-soċjetà ċivli fil-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant, bħalma huma l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali jew organizzazzjonijiet simili, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kull pajjiż imsieħeb. F'ċerti pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, il-pjattaformi nazzjonali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant jistgħu jkun bażi tajba għal dan il-proċess. Il-KESE lest li jaqsam l-esperjenza tiegħu mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant.

1.4.7   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-ftehimiet ta’ assoċjazzjonijiet li qed jiġu negozjati bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar it-twaqqif ta’ korpi konġunti tas-soċjetà ċivili, li jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet.

1.4.8   Fir-rigward tan-negozjati u l-konklużjonijiet tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv, il-Kumitat jikkunsidra li s-soċjetà ċivili kemm tal-UE kif ukoll tal-pajjiżi msieħba għandha tkun involuta fit-tfassil ta’ Valutazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibbiltà qabel in-negozjati u li għandhom jiġu inklużi mekkaniżmi tas-soċjetà ċivili fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv sabiex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli.

1.5   Il-Kumitat jispera li s-sena 2011 tkun waħda ta’ importanza deċiżiva għas-Sħubija tal-Lvant billi l-Presidenza Ungeriża u, b'mod partikolari, dik Polakka tal-Kunsill għandhom jagħtu spinta ġdida lill-inizjattiva.

1.6   Il-Kumitat jindirizza dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern u jittama li fis-summit tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern, li ser issir il-Polonja fil-Ħarifa tal-2011, jiġi apprezzat b'mod adegwat il-kontribut tas-soċjetà ċivili matul l-aħħar sentejn kif ukoll il-progress li sar, filwaqt li jiġu evalwati b'mod kritiku n-nuqqasijiet relatati mal-involviment fjakk tal-imsieħba soċjali u l-inadegwatezza tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili.

2.   Il-kontribut tas-soċjetà ċivili għat-triq multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant

2.1   Huwa ta’ interess kruċjali għall-Unjoni Ewropea li fil-pajjiżi ġirien mal-fruntieri tal-Lvant tagħha jkun hemm stabbiltà, governanza tajba u politika previdibbli u li l-ekonomija tagħhom tiżviluppa b'mod pożittiv. Il-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tal-Kawkasu tan-Nofsinhar ukoll qed jagħmlu ħilithom biex ikollhom relazzjonijiet aktar attivi u aktar mill-qrib mal-UE. Il-fattur ċentrali biex dawn il-pajjiżi jagħmlu progress fit-tqarrib tagħhom lejn l-UE jinsab fil-valuri u fil-konverġenza tal-leġislazzjoni u r-regolamentazzjoni. Għaldaqstant, is-Sħubija tal-Lvant għandha titqies bħala investiment tal-UE għall-benefiċċju futur taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u bħala servizz għall-progress ġenerali fil-pajjiżi msieħba.

2.2   Parteċipazzjoni fil-pjattaformi tematiċi u intergovernattivi tas-Sħubija tal-Lvant

2.2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sħubija tal-Lvant tindika li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili għandha tingħata rwol speċjali. Il-KESE ġie mistieden jipparteċipa fi tlieta mill-erba' pjattaformi tematiċi u intergovernattivi tas-Sħubija tal-Lvant (pjattaforma 1 - Demokrazija, governanza tajba u stabbiltà, pjattaforma 2 – Integrazzjoni ekonomika u konverġenza mal-politiki settorjali tal-UE u Pjattaforma 4 - Kuntatti bejn in-nies) u huwa kien f'pożizzjoni li jesprimi l-fehmiet tas-soċjetà ċivili f'dawn il-pjattaformi. Madanakollu minkejja l-involviment kbir tiegħu fil-kwistjonijiet tal-enerġija, il-Kumitat ma ġiex mistieden jipparteċipa fil-pjattaforma tematika importanti “Sigurtà fl-enerġija”.

2.2.2   Il-KESE jikkunsidra li l-pjattaformi għamlu progress fil-ksib tal-għanijiet tal-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant iżda jiddispjaċih li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili hija limitata. Il-Kumitat iqis li r-rappreżentanti tal-gruppi ta’ ħidma rilevanti fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant għandhom jitħallew jipparteċipaw fil-laqgħat tal-pjattaformi intergovernattivi. Dan jippermetti lis-soċjetà ċivili tiġi infurmata dwar il-ħidma tal-pjattaformi u tipproduċi iktar rakkomandazzjonijiet li jistgħu jitħaddmu u li jkunu konkreti. Il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tidħol f'negozjati mal-pajjiżi msieħba sabiex tintroduċi bidliet fir-Regoli ta’ Proċedura tal-pjattaformi intergovernattivi sabiex tagħti statut ta’ parteċipazzjoni permanenti fil-Forum lill-Pjattaformi.

2.2.3   Il-Kumitat jikkunsidra li l-pjattaformi jistgħu jkunu relatati ma’ proġetti ta’ interess għas-soċjetà ċivili. Bħala eżempju tajjeb tal-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet kummerċjali fis-Sħubija tal-Lvant nistgħu nsemmu l-programm EAST-INVEST, proġett konġunt bejn il-Eurochambres flimkien mal-imsieħba mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. Dan huwa proġett ġdid ta’ tliet snin konċentrat fuq is-Sħubija tal-Lvant bil-għan li fil-pajjiżi ġirien tal-Lvant jiffaċilita n-negozju u jippromovi l-iżvilupp ekonomiku u l-investiment. Wieħed u għoxrin kamra mill-pajjiżi tal-UE involvew ruħhom fil-proġett billi implimentaw l-għanijiet tal-pjattaforma intergovernattiva 2 dwar l-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza mal-politika tal-UE. Il-baġit totali tal-proġett huwa ta’ EUR 8.75 miljun, 7 miljun minnhom ġejjin mill-Kummissjoni Ewropea. Wieħed jispera li permezz ta’ dan il-proġett jintlaħqu l-għanijiet previsti u li dan jikkontribwixxi biex jitwettqu l-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant. Dan l-eżempju jista' jintuża għal proġetti konkreti bejn l-UE u l-organizzazzjonijiet tal-pajjiżi msieħba f'setturi oħra bħall-bdiewa, il-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet tal-ambjentalisti eċċ.

2.2.4   Il-Kumitat jikkunsidra wkoll li l-involviment sod tal-kumpaniji fl-inizjattiva ewlenija tal-SMEs taħt pjattaforma 2 u l-laqgħat organizzati bejn kumpanija u oħra jistgħu jwasslu għall-organizzazzjoni ta’ Forum kummerċjali tas-Sħubija tal-Lvant li jżidu l-appoġġ tal-organizzazzjonijiet kummerċjali fin-negozjati tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv.

2.2.5   Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-djalogu soċjali mhux inkluż fil-ħidma ta’ kwalunkwe pjattaforma minkejja li jagħmel parti mill-acquis tal-Komunità.

2.3   Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant

2.3.1   Il-Proposta tal-Kummissjoni li jitwaqqaf forum tas-soċjetà ċivili intlaqgħet minn ħafna.

2.3.2   Madanakollu ħafna mill-membri tal-Forum huma think tanks u NGOs li ma jirrappreżentawx il-varjetà sħiħa tas-soċjetà ċivili. Ftit biss mill-organizzazzjonijiet tal-pajjiżi msieħba jirrappreżentaw l-interessi tan-negozjanti u tal-impjegati fl-intrapriżi, kif ukoll tal-imsieħba soċjali jiġifieri l-assoċjazzjonijiet kummerċjali u t-trade unions jew interessi soċjoekonomiċi oħra (bdiewa, konsumaturi, il-komunità xjentifika u d-dinja akkademika, eċċ).

2.3.3   Fil-Kumitat ta’ Tmexxija li huwa magħmul minn 17-il membru, l-imsieħba soċjali mill-pajjiżi msieħba mhuma rappreżentanti xejn.

2.3.4   F'sena u nofs, fil-pajjiżi msieħba kollha twaqqfu pjattaformi nazzjonali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant li fihom l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi rispettivi għandhom jiltaqgħu għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant.

2.3.5   Il-Kumitat jilqa' bis-sħiħ it-twaqqif ta’ pjattaformi nazzjonali tal-Forum tas-soċjetà ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u l-kontribut li taw fil-Proċess tas-Sħubija tal-Lvant. F'dan ir-rigward ta’ min jissemmgħu dawn l-eżempji:

il-pjattaforma tal-Bjelorussja organizzat “Linji Gwida fil-Qafas tas-Sħubija tal-Lvant għall-Bjelorussja” f'Lulju 2010

il-pjattaforma tal-Ażerbajġan wasslet għal bosta avvenimenti dwar kwistjonijiet relevanti għall-gvern u s-soċjetà ċivili, eż. is-sħubija tal-Ażerbajġan fid-WTO, sorsi alternattivi u rinnovabbli tal-enerġija, l-użu effiċjenti tal-enerġija u s-sitwazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

il-Kunsill Nazzjonali ta’ Parteċipazzjoni li kien ukoll il-pjattaforma nazzjonali tal-Moldova qabel ma ġiet stabbilita pjattaforma bħal din b'mod formali setgħa jieħu sehem fil-laqgħat kollha tal-kabinett tal-ministri tar-Repubblika tal-Moldova sabiex iwassal il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar id-deċiżjonijiet tal-gvern u dwar il-miżuri ta’ politika pjanati.

Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih mill-fatt li f'dawn il-pjattaformi wkoll l-imsieħba soċjali għandhom involviment limitat, jekk xejn, fil-livell nazzjonali fl-attivitajiet tal-pjattaformi nazzjonali, u minħabba f'hekk ma jkoprux il-kwistjoni tad-drittijiet soċjali.

2.3.6   Il-Kumitat identifika għadd ta’ nuqqasijiet fil-funzjonament tal-Forum u ppropona li jaħdem mal-Kumitat tat-Tmexxija sabiex titjieb il-prestazzjoni tal-Forum.

2.3.7   Il-kompożizzjoni attwali tal-Forum ma tikkorrispondix ma’ dak li jintqal fid-dokument kunċett tal-Kummissjoni li jistqarr li -“Is-sħubija fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant għandu jkun miftuħ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġifieri għall-organizzazzjonijiet taċ-ċittadini, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, l-assoċjazzjonijiet professjonali, l-NGOs, il-gruppi strateġiċi, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, organizzazzjonijiet/netwerks nazzjonali u internazzjonali tas-soċjetà ċivili u atturi rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant iżda wkoll Stati Membri u organizzazzjonijiet u netwerks tal-UE. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta’ pajjiżi terzi jistgħu jiġu mistienda jipparteċipaw ukoll. Il-KESE u l-kontropartijiet tiegħu fil-pajjiżi msieħba għandhom jaqdu rwol ċentrali b'mod partikolari fejn jidħlu kwistjonijiet kummerċjali u dawk relatati mal-impjieg, ix-xogħol u affarijiet soċjali.” L-organizzazzjonijiet prinċipali Ewropej tal-impjegati u ta’ min iħaddem esprimew it-tħassib tagħhom fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni nhar id-19 ta’ Mejju 2010 f'ittra lill-membri tal-Forum. Rappreżentanti ta’ livell għoli tal-KESE u l-Kummissjoni Ewropea ddiskutew il-kompożizzjoni tal-Forum u l-fatt li uħud mill-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari dawk relatati mal-integrazzjoni ekonomika jistgħu jinkisbu biss jekk l-imsieħba rilevanti jkunu involuti fil-ħidma tal-Forum.

2.3.8   Il-Kumitat iqis ukoll li għandu jissaħħaħ sew ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE fil-Forum. Ir-rappreżentanza tagħhom s'issa hija limitata mhux biss minħabba l-għadd relattivament żgħir assenjat lill-parteċipanti tal-UE fil-Forum (mill-230 organizzazzjoni mistednin għall-Forum tas-Soċjetà Ċivili f'Berlin, 80 biss kienu mill-UE) u fil-Kumitat tat-Tmexxija (7 postijiet minn 17). Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tal-UE hija limitata wkoll mill-perspettiva territorjali. Hemm preżenza qawwija ta’ organizzazzjonijiet minn uħud mill-Istati Membri li huma viċin tal-fruntieri tal-Lvan u biss ftit organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE li għandhom proġetti jew programm speċjali għall-imsieħba tas-Sħubija tal-Lvant.

2.3.9   Il-Kumitat lest li juża l-kapaċitajiet, l-esperjenza, l-għarfien u l-kuntatti tiegħu sabiex jikkontribwixxi għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi eżistenti fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili. It-344 membru tal-Kumitat jirrappreżentaw potenzjal vast li jista' jintuża sabiex tissaħħaħ il-kawża tas-Sħubija tal-Lvant fl-istituzzjonijiet tal-UE, fl-Istati Membri kollha u fl-oqsma kollha tas-soċjetà ċivili, inklużi b'mod speċjali l-imsieħba soċjali.

2.3.10   Sabiex il-Kumitat ikun jista' jkollu dan ir-rwol, huwa jrid ikun rappreżentat kif xieraq fl-istrutturi tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili. Ir-regoli eżistenti ma jipprovdux il-perspettiva ta’ involvement permanenti u effiċjenti tal-KESE fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili, u għalhekk dawn għandhom jinbidlu sabiex ikunu jippermettu parteċipazzjoni permanenti u akbar tal-KESE fil-Forum.

2.3.10.1   Il-parteċipazzjoni miżjuda tal-KESE u atturi soċjoekonomiċi oħra Parteċipazzjoni akbar tal-KESE u ta’ atturi soċjoekonomiċi oħra tista' tikkontribwixxi wkoll għall-ksib ta’ parteċipazzjoni iktar bilanċjata fil-gruppi ta’ ħidma tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili. Attwalment ħafna mill-organizzazzjonijiet huma involuti fil-grupp ta’ ħidma dwar “Id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istabbiltà” u dwar “Il-Kuntatti bejn in-nies”. Sadanittant, il-gruppi ta’ ħidma dwar “L-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza mal-politiki tal-UE” u “L-Ambjent, il-bidla fil-klima u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija” ma għandhomx biżżejjed parteċipanti u dan imur kontra l-importanza tas-suġġetti koperti minnhom għall-implimentazzjoni b'suċċess tas-Sħubija tal-Lvant. Il-KESE jkun kapaċi jagħti l-kontribut tiegħu f'dan ir-rigward.

2.3.10.2   Il-KESE jqis li l-ħidma tal-Forum għandha tkun iktar orjentata fuq il-proġetti. Xi gruppi ta’ ħidma bħal dak dwar “L-integrazzjoni ekonomika u l-konverġenza mal-politiki tal-UE” pruvaw jiżviluppaw proġetti speċifiċi iżda ma rnexxilhomx minħabba nuqqas ta’ finanzjament u nuqqas ta’ msieħba. Il-potenzjal u l-kapaċità amministrattiva tal-KESE jistgħu jkunu utli sabiex jiġu żviluppati proġetti konkreti. Studju u proġetti żviluppati b'mod konġunt jistgħu jgħinu wkoll sabiex jissaħħa il-kontribut tas-soċjetà ċivili fis-Sħubija tal-Lvant.

2.3.10.3   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kumitat ta’ Tmexxija jiġi elett għal sentejn sabiex isir iktar effiċjenti u sabiex ikun hemm ħin biżżejjed għall-implimentazzjoni tal-proġetti u l-ideat. Barra minn hekk, il-Kumitat jikkunsidra wkoll li sar neċessarju li jitwaqqaf segretarjat tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.3.11   Fil-każ li t-tħaddim tal-Forum jibqa' mhux sosisfaċenti, il-Kumitat ser jikkunsidra modi oħra ta’ mobilizzazzjoni tal-atturi soċjoekonomiċi għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tas-Sħubija tal-Lvant.

3.   It-tisħiħ tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba u l-kontribut fit-triq bilaterali tas-Sħubija tal-Lvant

3.1   L-avvenimenti reċenti fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani wrew b'mod ċar li r-reġimi jistgħu jfallu, minkejja li jaqdu rwol importanti għas-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun u jkunu appoġġjati finanzjarjament mid-demokraziji tal-Punent, jekk huma jittraskuraw il-qagħda ekonomika u soċjali tal-poplu u ma jirrispettawx id-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem. Il-Komunità Internazzjonali issa tista' biss tħares inkwetata lejn il-ġejjieni politiku tar-reġjun u tipprova taqta' x'se jkunu l-konsegwenzi globali. L-avvenimenti reċenti f'dan ir-reġjun għandhom jiġu analizzati bir-reqqa. Għandhom ukoll jiġu evalwati t-tagħlimiet li rriżultaw minnhom u jinsiltu l-konklużjonijiet.

3.1.1   Fil-pajjiżi msieħba tal-Lvant jeżistu differenzi ċari fir-rigward tas-sitwazzjoni politika tagħhom u tal-qagħda tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-pajjiżi huma żviluppati b'mod differenti fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili; il-livell ekonomiku u soċjali tagħhom kif ukoll l-orjentazzjoni ġeopolitika tagħhom mhumiex eteroġenji. Daqstant ieħor differenti huma l-isforzi ta’ dawn il-pajjiżi biex joqorbu lejn l-UE u l-għanijiet li lejhom hi mmirata l-parteċipazzjoni tagħhom fis-Sħubija tal-Lvant. Barra minn dan, is-soċjetà ċivili m'għandhiex l-istess opportunitajiet fil-pajjiżi msieħba individwali biex tipparteċipa fis-Sħubija tal-Lvant. Għalhekk, l-ewwel għandhom jiġu eżaminati l-pajjiżi msieħba b'mod individwali, qabel ma jkun jista' jiġi evalwat il-progress li għamlu u kemm is-soċjetà ċivili qed tiġi involuta f'din l-inizjattiva jew x'opportunitajiet għandha għal dan il-għan.

3.2   Fost il-pajjiżi msieħba tal-Lvant, huma fuq kollox l-Ukraina, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ġeorġja li għarfu jużaw il-potenzjal tas-Sħubija tal-Lvant f'ċerti oqsma. Madankollu, jekk il-qasma bejn dawn it-tliet pajjiżi u l-Istati l-oħra tal-Lvant tkompli tikber, jista' jinbet dubju dwar is-sostenibbiltà tas-Sħubija tal-Lvant bħala proġett reġjonali fl-Ewropa tal-Lvant. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea u s-soċjetà ċivili fit-tliet pajjiżi l-oħra għandhom kontribut importanti x'jagħtu sabiex ma tkomplix tikber il-qasma. L-akbar problemi qed jinqlagħu fil-Bjelorussja, iżda fid-dawl tal-qagħda politika interna partikolari ta’ dan il-pajjiż m'għandux jitqajjem dubju dwar l-inklużjoni tiegħu fis-Sħubija tal-Lvant.

3.3   Il-Kumitat jirrikonoxxi li, fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant, wieħed jista' jaħseb biss dwar l-implimentazzjoni tal-kompiti fl-oqsma tas-sigurtà reġjonali, l-istabbiltà, l-integrazzjoni ekonomika, il-ħarsien tal-ambjent, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, il-kuntatti bejn in-nies, eċċ., jekk fil-pajjiżi msieħba jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta’ assoċjazzjoni u jekk ikun hemm djalogu soċjali u ċivili ġenwin. Għalhekk, speċjalment fil-każ tal-Bjelorussja, din il-kwistjoni għandha tingħata attenzjoni akbar, għalkemm b'mod ġenerali anke f'pajjiżi msieħba oħra jeżistu l-problemi f'dan il-qasam.

3.4   Huwa ċar li fl-Istati msieħba tal-Lvant hemm nuqqas ta’ djalogu soċjali ġenwin u mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivli. Ħafna drabi huma biss l-organizzazzjonijiet stabbiliti u operati mill-gvern li jitqiesu bħala msieħba fid-djalogu soċjali u ċivili. Madankollu, il-Kumitat jemmen fil-bżonn ta’ kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet eżistenti rikonoxxuti u ta’ spiss dependenti fuq il-gvern li jappoġġjahom fl-iżvilupp tagħhom u fl-istess ħin jitwaqqfu trade unions indipendenti u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fejn għadhom ma jeżistux sabiex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fi djalogu soċjali reali, ixerrdu l-ideat tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol kif ukoll jaħdmu għal għanijiet oħra tal-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant.

3.5   Aktar involviment attiv mis-soċjetà ċivili jista' jgħin sabiex isseħħ aktar malajr l-implimentazzjoni tal-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant fil-pajjiżi msieħba; barra minn hekk, is-Sħubija tal-Lvant u l-invovliment tas-soċjetà ċivili fiha jistgħu jgħinu sabiex isaħħu s-soċjetà ċvili. Fit-tfassil tal-programmi għat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, is-settur statali għandu jiġi sensibilizzat dwar l-importanza tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali u jiġi mgħarraf dwar l-esperjenzi tal-UE u l-Istati Membri tagħha b'rabta mal-possibbiltajiet tal-involviment tas-soċjetà ċivili fit-teħid tad-deċiżjoni. L-esperjenzi tal-organizzazzjonijiet fil-pajjiżi tal-Ewropa ċentrali jistgħu jkunu siewja ħafna għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet governattivi u nongovernattivi fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant. Il-KESE huwa lest ukoll biex jipprovdi l-għarfien tiegħu lill-gvernijiet tas-Sħubija tal-Lvant bil-għan li jinħoloq qafas leġislattiv adegwat għad-djalogu soċjali u ċivili.

3.6   F'dan ir-rigward il-KESE jilqa' bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi l-Politika Ewropea tal-Viċinat iżda jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni dwar “Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” ma tisħaqx fuq il-ħolqien ta’ mekkaniżmi għal konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u ma tagħmel l-ebda rabta mal-istituzzjoni tal-UE li tirrappreżenta s-soċjetà ċivili u r-rwol li l-KESE jista' jaqdi f'dan il-proċess.

3.7   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-proposta li tinħoloq Dotazzjoni Ewropea għad-Demokrazija u Faċilità għas-Soċjetà Ċivili peress li din żgur li ser tgħin biex tagħti spinta lill-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-ħajja politika. Madanakollu, fl-istess waqt, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni titgħallem mill-esperjenza li nkisbet mill-Faċilità tal-Viċinat għas-Soċjetà Ċivili u forom oħra ta’ appoġġ għas-soċjetà ċivili fl-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni. Fil-kontribut tal-KESE fir-Reviżjoni li għaddejja tal-Kummissjoni tal-“Appoġġ tal-UE tas-Soċjetà Ċivili fil-Balkani tal-Punent u t-Turkija” enfasizzajna li għandha tingħata iktar attenzjoni lill-imsieħba soċjali b'mod partikolari t-trade unions li f'ċertu każijiet ġew injorati kompletament. B'mod konkret dan ifisser li l-enfasi m'għandhiex tkun biss fuq il-proġetti iżda anki fuq l-iżvilupp istituzzjonali u s-sostenibbiltà ġenerali tal-organizzazzjonijiet.

3.8   Sabiex jiġi kkalkulat kemm l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jiġu involuti fis-Sħubija tal-Lvant u fid-djalogu mal-gvernijiet nazzjonali, il-KESE talab lil dawn l-organizzazzjonijiet jimlew kwestjonarju qasir. Ir-riżultati tal-istħarriġ juru li jeżisti nuqqas ta’ djalogu bejn il-gvernijiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, anke dwar il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ azzjoni tal-PEV. Lill-organizzazzjonijiet, il-gvernijiet jikkonsultawhom ftit wisq dwar kwistjonijiet marbutin mas-Sħubija tal-Lvant. F'dan il-qasam, is-sorsi ewlenin tal-informazzjoni huma d-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea fil-pajjiżi rispettivi u l-mezzi tax-xandir. Naturalment, din is-sitwazzjoni tvarja minn pajjiż għal ieħor. Id-djalogu bejn l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili fir-Repubblika tal-Moldova huwa l-aktar wieħed avvanzat, filwaqt li l-aktar sitwazzjoni komplikata f'dan ir-rigward hija dik fil-Bjelorussja. Il-Kumitat jitlob li jitwaqqaf mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni tas-soċjetà ċivli fil-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant, bħalma huma l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u organizzazzjonijiet simili. Il-pjattaformi nazzjonali li jeżistu fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant jistgħu jkunu involuti f'dan il-proċess. Il-KESE lest li jappoġġja s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba fit-twaqqif ta’ istituzzjonijiet għad-djalogi ċivili billi juża l-esperjenza li kiseb minn tkabbir reċenti.

3.9   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-ftehimiet ta’ assoċjazzjonijiet li qed jiġu negozjati bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba (bħalissa għaddejjin negozjati mal-pajjiżi kollha ħlief il-Bjelorussja) għandhom jinkludu fid-dispożizzjonijiet istituzzjonali tagħhom it-twaqqif ta’ korpi konġunti tas-soċjetà ċivili, sabiex din ikollha l-possibbiltà tosserva l-implimentazzjoni tal-ftehimiet. Dawn il-korpi għandhom jiġu kkonusltati mill-Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni li nħolqu mill-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni jew jagħmlu rakkomandazzjonijiet fuq l-inizjattiva proprja tagħhom. Idealment dawn jieħdu sehem bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Kunsilli ta’ Assoċjazzjoni. Dawn għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u għandhom jinkludu msieħba soċjoekonomiċi u NGOs. Il-KESE għandu jiġi rappreżentat b'mod adegwat.

3.10   Il-Kummissjoni Ewropea ġà bdiet negozjati għal Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv mal-Ukraina u tipprevedi negozjati mal-Ġeorġja, l-Armenja u l-Moldova meta jintlaqgħu l-kundizzjonijiet għal negozjati bħal dawn. Dan il-Ftehim jista' jkollu impatt sinifikanti fuq il-kummċer u l-kundizzjonijiet soċjali fil-pajjiżi msieħba. Għalhekk id-djalogu permanenti mas-soċjetà ċivili matul il-proċess tan-negozjati huwa importanti ħafna.

3.11   Fir-rigward tan-negozjati u l-konklużjonijiet tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv, il-Kumitat jikkunsidra li s-soċjetà ċivili għandha tkun involuta fit-tfassil ta’ Valutazzjoni tal-Impatt tas-Sostenibbiltà qabel in-negozjati. Dan l-inolviment ser iżid l-għarfien fost il-pubbliku dwar il-benefiċċji tal-Ftehim. Barra minn hekk mekkaniżmi tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu inklużi fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv sabiex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli.

3.12   Wara kważi sentejn mit-tnedija tas-Sħubija tal-Lvant, għadu mhux ċar kif din ser tikkumplementa l-inizjattiva reġjonali tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed (2007) għax fiż-żewġ inizjattivi jipparteċipaw l-istess pajjiżi msieħba. Fil-livell tas-soċjetà ċivili, tista' tiġi stabbilita kooperazzjoni bejn il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u l-Forum tal-NGOs fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed.

3.13   Il-kontribut tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fis-Sħubija tal-Lvant

3.13.1   Il-KESE jagħti importanza kbira lis-Sħubija tal-Lvant bħala bżonn strateġiku u investiment politiku tal-UE li minnu jistgħu jibbenefikaw iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi msieħba tagħha fil-futur.

3.13.2   Il-KESE ilu dawn l-aħħar ħames snin jeżamina s-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba kollha, b'mod partikolari fejn jidħlu l-libertà tal-assoċjazzjoni, il-ħtiġijiet ta’ notifika, ir-regoli u l-proċeduri tat-taxxi, il-libertà tal-espressjoni u l-funzjonament tal-konsultazzjonijiet tripartitiċi. Dwar dawn it-temi huwa fassal opinjonijiet u ta bosta rakkomandazzjonijiet: “Ewropa Usa' - il-Viċinat: Qafas Ġdid għar-Relazzjonijiet mal-Ġirien tagħna tal-Lvant u tan-Nofsinhar” (1) (mhux disponibbli bil-Malti), “Is-Soċjetà Ċivili tal-Belarus” (2) (mhux disponibbli bil-Malti), “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova: X'inhu r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata?” (3), “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina: rwol dinamiku ġdid għas-soċjetà ċivili” (4); “It-twaqqif ta’ netwerks ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed” (5), “Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni tal-PEV fil-pajjiżi tal-Kawkażu tan-Nofsinhar” (6). Fuq talba tal-Presidenza Ċeka, il-Kumitat ħejja opinjoni esploratorja dwar “L-Involviment tas-soċjetà ċivili fis-Sħubija tal-Lvant”.

3.13.3   Il-KESE żviluppa kuntatti ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili oħra fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u jorganizza għadd ta’ seminars dwar l-importanza tad-djalogu soċjali u l-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili. Waqt dawn is-seminars, il-KESE insista wkoll fuq il-ħtieġa tal-involviment tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

3.13.4   Il-KESE jorganizza seminars annwali fl-Ukraina flimkien mal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Nazzjonali Tripartitiku tal-Ukraina dwar suġġetti ta’ interess komuni u jispera li dawn l-avvenimenti annwali jistgħu, fis-snin li ġejjin, jiħejjew ukoll mal-pajjiżi l-oħra tas-Sħubija tal-Lvant. Il-KESE lest li jiffaċilita l-organizzazzjoni ta’ seminars ta’ reviżjoni annwali tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant bil-għan li jivvaluta l-progress li sar bl-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat.

3.13.5   Il-KESE jappoġġja l-prijorità li qed tagħti l-Presidenza Ungeriża lis-Sħubija tal-Lvant u li beħsiebha tagħti l-Presidenza Pollakka futura tal-Kunsill u qed jikkontribwixxi permezz ta’ żewġ opinjonijiet oħra: Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija: liema tip ta’ Politika tal-Viċinat għandna bżonn biex niżguraw is-sigurtà tal-provvista fl-UE? u Is-Sħubija tal-Lvant u d-Dimensjoni tal-Lvant tal-politiki tal-UE b'enfasi partikolari fuq il-politika tal-agrikoltura tal-UE. Il-KESE jispera li t-tliet opinjonijiet tiegħu dwar is-Sħubija tal-Lvant jirċievu l-appoġġ kbir ta’ ħafna u jikkontribwixxu fil-ksib ta’ uħud mill-għanijiet u l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 80, 30.3.2004, p. 148-155

(2)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 123-127

(3)  ĠU C 120, 16.05.2008, p. 89-95

(4)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 157-163

(5)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 144-151

(6)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 37-41


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni tal-politika tal-ilma fil-politiki Ewropej l-oħra” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Ungeriża)

2011/C 248/07

Relatur: is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE

Nhar it-13 ta’ Novembru 2010, il-Presidenza futura Ungeriża tal-UE talbet lill-KESE jfassal opinjoni esploratorja dwar:

L-integrazzjoni tal-politika tal-ilma fil-politiki Ewropej l-oħra

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Mejju 2011 (relatur: is-Sinjura Le Nouail Marlière).

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’106 voti favur, 26 vot kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Fuq il-bażi tal-għarfien speċjalizzat tiegħu fl-oqsma tal-ambjent u tal-agrikoltura, l-isfidi relatati mal-impatt tat-tibdil fil-klima fl-Ewropa – perjodi li jalternaw ta’ għargħar u nixfa, bid-deterjorament konsegwenti tar-riżorsi tal-ilma, tal-ħamrija u tal-infrastrutturi u tal-attivitajiet ekonomiċi u soċjali – il-KESE jirrakkomanda approċċ konsolidat u trasversali għall-kwistjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali.

1.2   Il-KESE jemmen li huwa estremament importanti għall-UE li tadotta politika Ewropea dwar l-ilma permezz tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u jħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jikkonsolidaw din il-politika, filwaqt li jżommu f’moħħhom li l-ilma huwa ta’ importanza primarja għan-nies, l-industriji, il-biedja, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, mhux biss għax huwa vitali għall-ħajja iżda wkoll għall-ekonomija, għall-ħajja soċjali u għall-ambjent.

1.3   Huwa jirrakkomanda wkoll li għandha tingħatalha importanza ċentrali fil-politiki l-oħra kollha tal-UE.

1.4   Filwaqt li jiffoka fuq il-ħtiġijiet u l-impenji speċifiċi tal-komunitajiet rurali u agrikoli waqt il-fażi ta’ diskussjoni dwar il-futur tal-PAK wara l-2013, il-KESE jirrakkomanda li l-fondi taħt l-ewwel pilastru jkunu kkundizzjonati aktar mill-politiki dwar l-ilma permezz tal-applikazzjoni tal-“ekokundizzjonalità” (1) u li jiżdiedu l-miżuri agroambjentali taħt it-tieni pilastru u s-sussidji allokati għall-protezzjoni tal-ilma sabiex jintlaħqu livelli biżżejjed biex tinkiseb l-adeżjoni tal-bdiewa.

1.5   Peress li għadhom jeżistu bosta Ewropej mingħajr dar jew li jgħixu f’alloġġi foqra li għad m’għandhomx aċċess mingħajr ħlas għall-ilma tal-vit u/jew ilma tajjeb għax-xorb, il-KESE jenfasizza l-isfidi relatati mal-ilma flimkien mal-ġlieda kontra l-faqar u l-mira biex dan jiġi eradikat.

1.6   Il-KESE jenfasizza d-dimensjoni internazzjonali u extra-Ewropea tal-politika ambjentali tal-UE, permezz tal-istrateġija tal-UE, u l-approċċ kummerċjali tagħha, kif ukoll dak ambjentali u ta’ żvilupp u l-involviment tagħha fi strateġiji ambjentali internazzjonali fl-Ewropa (baċiri transnazzjonali) u fil-politiki barranin tagħha (2).

1.7   Jistieden lill-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU tal-1997 (3).

1.8   Fir-rigward tas-suq intern, id-drittijiet fundamentali, l-integrazzjoni u l-koeżjoni territorjali, u s-saħħa huma fatturi li jesiġu analiżi estensiva tal-impatt u l-ispiża ta’ politika tal-ilma li ma tintegrax id-dimensjonijiet soċjali, ambjentali u ekonomiċi.

1.9   Din l-integrazzjoni teħtieġ li l-istrateġiji fis-seħħ isiru konsistenti mal-interessi reġjonali varji fl-Istati Membri u fost is-setturi (l-impjieg, is-saħħa, l-ambjent, il-biedja intensiva jew organika, l-enerġija, l-ippjanar spazjali, il-finanzjament tal-politiki pubbliċi, eċċ.) u l-partijiet interessati (l-utenti u l-konsumaturi), li ġeneralment ikunu kkonċernati.

1.10   Tradizzjonalment, il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma madwar l-Ewropa kienet tiffoka fuq il-provvista u d-distribuzzjoni. Illum l-UE teħtieġ li tiżviluppa mezzi ġodda ta’ twissija minn kmieni sabiex twieġeb għad-diżastri naturali jew dawk marbuta mal-attività umana li jipperikolaw u jiddanneġġaw ir-riżorsi tal-ilma fuq medda qasira ta’ żmien.

1.11   Filwaqt li jfakkar ir-rwol fundamentali tal-ħamrija u tal-veġetazzjoni, li jservu ta’ kuxxinett fir-rigward tal-ilma meteoriku, il-KESE jistieden lill-Kunsill iniedi mill-ġdid l-adozzjoni tad-diretttiva dwar il-ħamrija sakemm din tkun indispensabbli għal politika effikaċi għall-ilma (4).

1.12   Jeħtieġ ukoll li l-UE tiżviluppa approċċ sostenibbli għall-ġestjoni ta’ dawn ir-riżorsi, filwaqt li tiffoka fuq domanda aktar ekonomika sabiex tippreserva din ir-riżorsa billi tużaha b’mod aktar effiċjenti: torganizza mill-ġdid l-estrazzjoni u tuża teknoloġiji ġodda.

1.13   Minkejja li ċ-ċikli tal-ilma għadhom fil-maġġoranza naturali, it-teknoloġiji ġodda qed jippermettu l-introduzzjoni ta’ fażijiet artifiċjali. Dan m’għandux iwassal għall-fehim ħażin dwar il-ħtieġa li jkun hemm riflessjoni demokratika dwar l-għażla. Fil-fatt, jeħtieġ li niżviluppaw approċċ aktar ġust tal-estrazzjoni tal-ilma li jwieġeb għall-esiġenzi u għall-kompetizzjoni bejn is-setturi ekonomiċi u tal-enerġija, kif ukoll għall-ħtieġa li jiġu ppreservati l-ekosistemi tal-ilma ħelu u għall-esiġenza li jiġi sodisfat dritt fundamentali taċ-ċittadini.

1.14   Il-ġestjoni integrata tal-baċiri tax-xmara hija essenzjali għall-preservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi. Din tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ partijiet interessat differenti biex jiġu identifikati u implimentati miżuri li jikkorrespondu għall-isfidi reġjonali, li ta’ spiss jesiġu kompromessi bejn l-interessi u s-setturi differenti (l-ippjanar urban, pjanuri tal-għargħar, l-użu tal-art, b’mod speċjali dik agrikola, u s-setturi industrijali u tal-enerġija).

1.15   Il-KESE jenfasizza li jista’ jiġi definit spazju għal sussidji pubbliċi Ewropej u nazzjonali u l-fondi tiegħu jistgħu jiġu allokati u/jew miżjuda sabiex jinkludu appoġġ immirat lejn il-preservazzjoni tal-interessi tal-komunità pubblika reġjonali, bħalma huma r-riabilitazzjoni tal-artijiet mistagħdra jew il-preservazzjoni tal-bijodiversità, b’mod speċjali tul l-analiżi tar-riforma tar-regoli tal-UE fil-qasam tal-għajnuniet mill-Istat applikabbli għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (5).

1.16   Sabiex jiġi żgurat id-dritt fundamentali għal provvisti adegwati tal-ilma għaċ-ċittadini kollha, il-KESE jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu viġilanti u jtejbu r-rekwiżiti relatati mal-kundizzjonijiet ta’ trasparenza u ta’ reversibbiltà meta jiġu delegati s-servizzi pubbliċi jew ta’ interess ġenerali, kemm fl-oqsma legali kif ukoll f’dawk ekonomiċi: il-proprjetà pubblika, il-kera, l-ipprezzar, l-investimenti mill-ġdid, il-manutenzjoni tax-xogħlijiet.

1.17   Il-KESE javża li hemm bżonn ġestjoni tar-riżorsi umani u soċjali li tkun daqstant ieħor integrata: taħriġ inizjali u kontinwu, qafas għaċ-ċertifikazzjoni u r-rikonoxximent tal-kwalifiki, ġestjoni antiċipattiva, komprensiva u integrata sabiex tiffaċilita l-mobbiltà professjonali u ġeografika filwaqt li tinkludi d-dimensjoni tas-sessi, u bażi tad-data.

1.18   Il-Kumitat jirrakkomanda l-integrazzjoni tad-djalogu soċjali bħala element li jikkontribwixxi għall-iżgurar tal-missjonijiet kollha fid-diversità kollha tagħhom, fil-livelli kollha tas-servizzi tal-ilma u tat-trattament: kemm dwar l-istatuti tal-ħaddiema kif ukoll dwar is-sigurtà tal-persunal u ċ-ċittadini.

1.19   Fir-rigward tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-utenti, il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali, kull fejn jeżistu, huma riżorsa indispensabbli ta’ konsultazzjoni peress li huma rappreżentattivi u indipendenti, u għandhom l-esperjenza u l-kapaċità li jħejju seduti pubbliċi.

2.   L-istrumenti leġislattivi li fihom jiġu indirizzati l-politiki tal-ilma

2.1   Il-politika tal-ilma tqajjem bosta kwistjonijiet: il-ġestjoni u l-preservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma, l-użu tagħhom, il-ġestjoni tad-diżastri marbuta mal-ilma, il-protezzjoni tal-ħabitat naturali, u s-saħħa pubblika.

2.2   Hawn taħt hawn lista tal-leġislazzjoni tal-UE u l-iżvilupp tal-politiki l-aktar rilevanti fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilma:

Is-snin 70: L-ewwel żviluppi

1976 Id-Direttiva dwar il-kwalità tal-Ilma għall-Ħasil

1980 Id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb

Is-snin 90: Nindirizzaw sorsi ewlenin tat-tniġġis mis-sors

1991 It-Trattament tal-Ilma Mormi Urban

1991 It-Tniġġis tan-Nitrati mill-Agrikoltura

1996 Prevenzjoni u Kontroll Integrati tat-Tniġġis (Direttiva IPPC)

Mill-2000: Espansjoni, koerenza, semplifikazzjoni

2000 Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttivi derivanti tal-2006 u l-2008 dwar l-ilma ta’ taħt l-art u s-sustanzi ta’ prijorità

2007 Id-Direttiva dwar l-Għargħar

2007 Il-Komunikazzjoni dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u l-Perjodi ta’ Nixfa

2.2.1   Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva 2000/60/KE, titlob għal ġestjoni integrata tal-baċiri għall-preservazzjoni “ta’ kuljum” tal-ilma bl-introduzzjoni tal-kunċett tal-baċir tax-xmara. Din tippermetti wkoll il-ġestjoni integrata tal-passaġġi tal-ilma interni u tal-ilmijiet kostali.

2.2.2   Bl-adozzjoni ta’ programmi ta’ miżuri li huma koordinati għad-distrett kollu tal-baċiri, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma titlob li tintlaħaq qagħda tajba tal-ilma sal-2015 (bil-possibbiltà ta’ derogi ġustifikati), u timponi wkoll il-prevenzjoni tad-deterjorament tal-ilma fil-futur:

il-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis,

il-promozzjoni ta’ użu sostenibbli tal-ilma,

il-protezzjoni tal-ambjent,

it-titjib tal-istat tal-ekosistemi akkwatiċi u t-tnaqqis tal-effetti tal-għargħar u tal-perjodi ta’ nixfa.

2.2.3   Din tesiġi li l-Istati Membri jidentifikaw u jikklassifikaw il-baċiri fir-territorji tagħhom, janalizzaw il-karatteristiċi tagħhom, jidentifikaw il-baċiri li qegħdin fil-periklu u jistudjaw l-impatt tal-attività tal-bniedem fuq il-baċiri. Għandhom jitwaqqfu pjani ta’ ġestjoni tal-baċiri għall-prevenzjoni tad-deterjorament u t-tniġġis, għat-titjib u r-restawr tal-baċiri, kemm tal-ilma tal-wiċċ, tal-ilma ta’ taħt l-art kif ukoll ta’ żoni protetti. Tesiġi wkoll li jitnaqqas it-tniġġis ikkawżat mir-rimi jew mill-emissjonijiet ta’ sustanzi perikolużi. F’dan ir-rigward, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma hija kkompletata mid-Direttiva dwar Sustanzi ta’ Prijorità tal-2008.

2.2.4   Id-deterjorament temporanju tal-baċiri huwa s-suġġett ta’ bosta eċċezzjonijiet. Mhuwiex meqjus bħala ksur tad-direttiva qafas jekk dan huwa r-riżultat ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali jew mhux imbassra, bħalma huma inċidenti, kawża naturali jew forzi maġġuri. L-Istati Membri għandhom jispjegaw u jiġġustifikaw dawn l-eċċezzjonijiet lill-Kummissjoni.

2.2.5   Id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw, mill-2010, li jimplimentaw politika tal-ipprezzar tal-ilma għall-utenti differenti tal-ilma (djar, agrikoltura, industriji, eċċ.) billi jiġu applikati prinċipji proporzjonali fir-rigward tal-volum ta’ estrazzjoni, min iniġġes, min iħallas, l-irkupru tal-ispejjeż.

2.2.6   L-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu penali applikabbli għal ksur tad-Direttiva, u l-Kummissjoni tista’ tniedi proċeduri ta’ ksur, flimkien ma’ penali, fil-każ tan-nonkonformità. Madankollu, il-proċeduri kumplessi relatati mal-ksur ma jippermettux applikazzjoni stretta tal-penali, u dawn mhumiex dissważivi biżżejjed. Proposta għal multa eċċezzjonali għal ksur ripetut ser tkun apprezzata. (Il-multa tirdoppja għal kull offiża ripetuta).

2.2.7   Il-ħidma li saret fil-qafas tar-REACH (ir-regolament li jittratta r-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi, u li jelenka l-kontaminanti li huma ta’ riskju kbir) tgħin biex tippermetti t-tnaqqis tal-użu persistenti tal-kontaminanti fl-ilma, il-protezzjoni tal-ekosistemi akkwatiċi, u għalhekk tnaqqas ir-riskji għas-saħħa pubblika.

2.3   Il-Kummissjoni qed tindirizza l-kwistjonijiet tal-ilma permezz tal-“Evalwazzjoni tal-Istat ta’ Saħħa” tal-Politika Agrikola Komuni.

2.3.1   Fil-fatt, l-“evalwazzjoni tal-istat ta’ saħħa” introduċa r-rekwiżit li jiġu stabbiliti “strixex marġinali” mal-ġenb ta’ mogħdijiet tal-ilma, fejn l-użu ta’ pestiċidi huwa ristrett, u li tiġi allokata parti mill-fondi għat-tnaqqis tal-iskarsezza tal-ilma. Jeħtieġ li tiġi assigurata l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri. Jidher li huwa importanti wkoll li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-ammont ta’ ilma użat fil-produzzjoni tal-bijokarburanti u l-bijomassa.

2.4   Id-Direttiva dwar l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar għandha l-għan li tipproteġi r-riżorsa fil-kuntest tad-diżastri naturali  (6)

2.4.1   Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar tesiġi li l-Istati Membri jħejju mappa tal-perikli u r-riskji f’dan il-qasam, u jistabbilixxu pjani ta’ mmaniġġjar tar-riskji tal-għargħar sabiex dawn jiġu evitati. Id-Direttiva tistabbilixxi wkoll li jkun hemm kooperazzjoni transkonfinali u skambju ta’ informazzjoni bejn id-distretti transkonfinali komuni tal-baċir tax-xmara tul l-implimentazzjoni tagħha.

2.5   Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea jikkumpensa l-vittmi tad-diżastri naturali

2.5.1   Opinjoni tal-KESE (7) enfasizzat elementi ta’ titjib possibbli fit-tħaddim tal-Fond. Fil-fatt, il-kriterji tal-operazzjonijiet eliġibbli għall-fondi taħt l-Artikolu 4 huma wisq restrittivi u ma jqisux ċerti tipi ta’ dannu. L-opinjoni tenfasizza l-importanza li jiġu inklużi diżastri kkawżati minn effetti kumulattivi jew konsegwenzi ta’ sitwazzjonijiet fuq medda twila ta’ żmien. Dan it-tip ta’ diżastri, bħalma huma n-nixfa mill-ilma jew mewġiet ta’ sħana, huwa r-riżultat ta’ tendenzi ambjentali li għalihom huma responsabbli l-Istati Membri kollha tal-UE. L-opinjoni tqis li l-provvista tal-ilma u l-funzjonament tal-infrastrutturi għandhom ikunu koperti mill-FSUE, anke jekk id-diżastru ma jkunx ikkaġunat minn avveniment li jiġri f’daqqa waħda.

2.6   Id-Direttiva 2008/1/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (id-Direttiva IPPC) tistabbilixxi qafas għall-installazzjoni ta’ unitajiet ta’ produzzjoni industrijali u agroindustrijali  (8).

2.6.1   Teoretikament, din id-Direttiva tobbliga lill-impjanti industrijali biex jużaw l-aħjar teknoloġiji disponibbli. Din bla ebda mod ma hija strument ewlieni tal-politika tal-ilma tal-UE. Madankollu, it-tixrid tat-tajn aħmar riċenti fl-Ungerija, li kkawża tniġġis tal-art u tax-xmajjar fir-reġjuni ta’ Ajka u laħaq id-Danubju, ġibed l-attenzjoni lejn diversi kwistjonijiet li jikkonċernaw l-ambjent u l-protezzjoni tal-mogħdijiet tal-ilma, kif ukoll it-trattament tad-diżastru u l-kumpens tal-vittmi, u l-livell ta’ viġilanza meħtieġ fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-ilma. Madankollu, għad hemm pereżempju, madwar 150 impjant tul it-3 019-il kilometru tax-xtut tad-Danubju (9), li d-WWF tiddefinixxi bħala “bombi li jisplodu bil-ħin”. Għaldaqstant, ir-residwi tat-tajn aħmar mill-produzzjoni tal-aluminju ma ġewx trattati, minkejja l-fatt li t-teknoloġija teżisti u tintuża bnadi oħra. Din it-teknoloġija tippermetti li jitnaqqas b’mod sinifikanti l-persentaġġ ta’ 96 % ta’ soda li jifdal fir-residwi. Ħafna minnhom sempliċiment jaħżnu l-iskart tagħhom f’għadajjar ta’ tailings minflok iwettqu tindifa proprja mit-tniġġis. Fil-fatt, dawn l-għadajjar mhux dejjem ikollhom kapaċità biżżejjed meta mqabbla mal-produzzjoni tagħhom (10). Dan ir-rekwiżit il-ġdid biex jintużaw it-tekniki ta’ trattament disponibbli li jagħtu l-aħjar prestazzjoni għandu jirriżulta fit-tlestija ta’ infrastruttura ta’ ħżin imtejba, sigura u proporzjonata.

2.7   Id-Direttiva dwar il-proċeduri tal-akkwist fis-settur tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjonijiet (90/531 u 93/38/KEE) tipprovdi qafas għall-użu tar-riżorsi tal-ilma minn operaturi pubbliċi jew privati u tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-akkwist pubbliku.

2.7.1   Waqt il-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni, il-pajjiżi li kienu deħlin fl-Unjoni ntalbu jallinjaw l-industriji tagħhom mal-istandards Ewropej. Diversi pajjiżi mmodifikaw il-leġislazzjoni, iżda għamlu dan billi baxxew ċerti limiti u mminimizzaw il-problemi ambjentali.

2.7.2   Għaldaqstant jidher li huwa imperattiv li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsaħħu l-mezzi għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE sabiex jiżdiedu l-għarfien u s-sigurtà taċ-ċittadini fir-rigward tal-aċċess għall-ilma u t-trattament tal-ilma.

2.8   It-tibdil fil-klima u l-għargħar

2.8.1   Wara l-għargħar riċenti fl-Ewropa kollha, tqajmu għadd ta’ mistoqsiijet dwar il-prevenzjoni tal-għargħar. L-Unjoni Ewropea għandha fond biex jikkontrolla d-diżastri naturali, iżda paradossalment m’għandhiex il-mezzi biex tipprevjeni jew tantiċipa r-riskji tad-diżastri kkawżati mill-bniedem, intenzjonalment jew minħabba negliġenza. Sabiex il-politiki għall-prevenzjoni tal-għargħar ikunu effettivi bis-sħiħ, dawn iridu jiġu integrati ma’ politiki aktar wesgħin li jkopru l-ippjanar spazjali, l-infrastruttura, il-protezzjoni tal-ekosistemi, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (11).

2.9   Kooperazzjoni transkonfinali: il-każ tas-Saarland u Lorraine fil-baċir tax-xmara ta’ Blies t’isfel

2.9.1   Twaqqfet kooperazzjoni interreġjonali bejn għadd ta’ operaturi sabiex tiġi stabbilita sħubija ta’ ġestjoni transkonfinali tar-riskju tal-għargħar taħt il-proġett Interreg IV-A “Ġestjoni tal-għargħar u ilma baxx fil-baċir tal-iskular tal-Moselle u s-Saar – FLOW MS”. Il-ftehim ġab flimkien il-Kummissjonijiet Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Moselle u s-Saar (CIPMS), il-Ministeru għall-ambjent, l-enerġija u t-trasport tas-Saar (MUEV), il-prefettura tar-reġjun ta’ Lorraine u s-sottoprefettura ta’ Sarreguemines, erba’ muniċipalitajiet Ġermaniżi u ħamsa Franċiżi. L-objettiv huwa l-ġestjoni tal-għargħar permezz ta’ prevenzjoni konġunta u l-iskambju regolari tal-esperjenzi. Dan jikkonsisti f’titjib tal-koordinazzjoni ta’ twissija bikrija u pjani ta’ azzjoni u fl-adattament tal-pjani muniċipali tal-protezzjoni mill-għargħar.

2.9.2   L-għan tal-kooperazzjoni transkonfinali fil-baċir tax-xmara ta’ Blies t’isfel, huwa li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ mapep ta’ żoni fejn hemm il-periklu ta’ għargħar u tar-riskji tal-għargħar, li tivvaluta r-riskji tal-għargħar u tfassal rakkomandazzjonijiet sabiex dawn jiġu kkonsolidati bħala pjani ta’ ġestjoni tar-riskju tal-għargħar.

2.9.3   L-inizjattivi lokali fil-ġestjoni upstream tax-xmara tar-riżorsi huma essenzjali, kif wieħed jista’ jara minn għadd ta’ eżempji. Qed tiġi stabbilita kooperazzjoni transkonfinali f’baċiri tax-xmara bħar-Rhine, l-Oder, il-Meuse, id-Danubju, is-Saar, il-Moselle u l-Elbe. Il-pajjiżi tul dawn ix-xmajjar qed jistabbilixxu istituzzjonijiet sabiex jiżguraw approċċ koordinat għall-ġestjoni tar-riskju tal-għargħar u pjani għall-protezzjoni transkonfinali.

2.9.4   Bħala eżempju għandna l-baċir ta’ Semois, tributarju tal-Meuse, żona maqsuma bejn il-Belġju u Franza. Minkejja d-differenza fil-miżuri ta’ prevenzjoni u l-leġislazzjoni, hemm fis-seħħ pjan ta’ azzjoni konġunt mill-2002 għal kontra l-għargħar ’il fuq (il-Belġju) jew ’l isfel (Franza). Il-programm finanzjarju Interreg III Franza, Wallonja, Fjandri (2002-2006) għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni trans-Ewropea ppermetta l-organizzazzjoni ta’ miżuri konġunti għall-prevenzjoni tal-għargħar permezz ta’ “kuntratti tax-xmara” (strumenti konġunti għall-ġestjoni parteċipattiva tal-ilma) imwettqa miż-żewġ naħat tal-fruntiera.

2.9.5   Proġetti oħra, bħall-EUROTAS, jew l-istrateġiji transkonfinali għad-Danubju jew għall-Baħar Baltiku, jimmiraw għall-iżvilupp ta’ metodoloġiji li jkunu komuni għal diversi pajjiżi rigward il-ġestjoni fit-tul tar-riskju tal-għargħar u t-tbassir fil-ħin reali tal-għargħar, jew fil-qasam tal-preservazzjoni ta’ sorsi tal-ilma ħelu.

2.9.6   Għaldaqstant jidher li huwa possibbli, neċessarju u adegwat li jiġu definiti inizjattivi ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-awtoritajiet lokali u li dawn jirċievu sostenn politiku u finanzjarju mill-Unjoni Ewropea.

3.   Il-post u r-rwol tal-awtoritajiet lokali u tas-soċjetà ċivili

Hemm bosta oqsma fejn iċ-ċittadini Ewropej huma direttament ikkonċernati mill-integrazzjoni tal-politika tal-ilma tal-UE:

3.1   L-impatt tal-ġestjoni tal-ilma u tad-diżastri fuq il-pubbliku

3.1.1   L-iskarsezza tal-ilma li qed tiżdied u l-perjodi li jalternaw ta’ nixfa mill-ilma fit-tul, għargħar jew tniġġis tal-ilma għandhom konsegwenzi gravi f’termini ekonomiċi u soċjali. Dawn jistgħu jwasslu għall-estinzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi (bħalma hija l-agrikoltura), it-telfien tal-impjiegi, bir-riżultat li r-reġjuni jiġu abbandunati u tiddgħajjef il-vijabbiltà tagħhom.

3.1.2   Il-ġlieda kontra t-tniġġis kimiku tal-ilma hija essenzjali. Din hija kwistjoni ta’ saħħa tal-annimali u tal-bnedmin, kif ukoll tat-tixrid tar-residwi kimiċi fil-katina alimentari. Huwa importanti li tiġi riveduta regolarment il-lista tal-kontaminanti li l-użu tagħhom huwa pprojbit jew ikkontrollat, kif previst fid-Direttiva dwar Sustanzi ta’ Prijorità. Għaldaqstant jeħtieġ li naħdmu fi sħubija mal-bdiewa, l-industrijalisti u l-assoċjazzjonijiet ambjentali sabiex jiġi mmonitorjat l-użu ta’ prodotti ġodda u jiġu stabbiliti limiti għall-użu tagħhom, hekk kif imsemmi f’opinjonijiet preċedenti tal-KESE (12).

3.2   L-użi differenti tal-ilma

3.2.1   Is-settur tal-industrija, tat-turiżmu u dak agrikolu huma kollha kkonċernati dwar il-konsum tal-ilma kif ukoll dwar it-tniġġis tal-ilma. L-urbanizzazzjoni mxerrda sew taż-żoni tax-xmara u dawk kostali tagħmel pressjoni wkoll fuq dan l-ambjent fraġli. Fl-Unjoni Ewropea, il-produzzjoni tal-enerġija tirrappreżenta 44 % tal-estrazzjoni totali tal-ilma, u primarjament isservi għat-tkessiħ. 24 % tal-estrazzjoni tal-ilma jintuża fl-agrikoltura, 21 % għall-provvista tal-ilma għall-pubbliku, u 11 % għal skopijiet industrijali. Dawn iċ-ċifri jaħbu d-differenzi fl-użu skont ir-reġjuni. Fin-nofsinhar tal-Ewropa, pereżempju, l-agrikoltura tirrappreżenta aktar min-nofs tal-estrazzjoni totali, u din titla’ għal aktar minn 80 % f’ċerti reġjuni, filwaqt li fil-punent tal-Ewropa, aktar min-nofs tal-estrazzjoni tal-ilma jmur għall-produzzjoni tal-enerġija u għat-tkessiħ (13).

3.2.2   L-interdipendenza tal-ġestjoni tal-ilma u l-produzzjoni tal-elettriku hija ċara u jeħtieġ li tiġi studjata mill-Unjoni Ewropea. Veru ftit mill-ilma użat għall-produzzjoni tal-enerġija jiġi kkunsmat; ħafna minnu jintrema, u jkun b’temperatura aktar għolja. Ir-riskji involuti fil-preservazzjoni tas-sistemi akkwatiċi huma kbar. Għandna teknoloġiji li kapaċi jnaqqsu l-ammont tal-ilma meħtieġ fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, jew għall-ġbir effiċjenti tal-ilma, iżda mhux neċessarjament qed jintużaw minħabba li jżidu l-ispejjeż. Għalhekk jeħtieġ mhux biss li nħeġġu l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f’dan il-qasam u l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji l-ġodda, iżda wkoll li nintegraw id-diskussjonijiet dwar l-investiment u s-sostenibbiltà ta’ dak li jrendu fil-kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

3.2.3   Il-prattiki fl-użu tal-art agrikola u l-ippjanar urban jista’ jkollhom impatt kbir fuq l-iskarsezza tal-ilma. L-użu mhux ikkontrollat jiggrava l-isfruttament tal-ilma ta’ taħt l-art u l-ilma tal-wiċċ u jista’ jikkawża dannu ambjentali irriversibbli, u jistabbilixxi ċiklu ta’ żvilupp soċjoekonomiku mhux sostenibbli – u b’hekk jitqiegħdu fil-periklu s-sigurtà tal-provvista tal-ikel u tal-enerġija u l-istabbiltà soċjali. Diversi artijiet mistgħadra importanti, foresti jew pjanuri tal-għargħar naturali tnixxfu u ngħalqu b’digi, u nbnew faċilitajiet u kanali ta’ regolazzjoni għall-appoġġ tal-urbanizzazzjoni, l-agrikoltura, id-domanda għall-enerġija u l-protezzjoni kontra l-għargħar (14). Jeħtieġ li l-politiki futuri għall-ippjanar spazjali jintegraw ir-restrizzjonijiet relatati mal-ilma.

3.3   Il-ġestjoni tad-domanda u l-proposta ta’ provvista sostenibbli fit-tul

3.3.1   Firxa sħiħa ta’ fatturi tinfluwenza d-domanda tal-ilma mid-djar: id-daqs tal-popolazzjoni u tad-djar, l-urbanizzazzjoni, it-turiżmu, id-dħul, it-teknoloġija, u l-imġiba tal-konsumatur. Barra minn hekk, in-nixxijat fin-netwerks tad-distribuzzjoni u tal-provvista għandhom rwol importanti fid-determinazzjoni tal-kwantità ta’ ilma li jasal għand l-utenti aħħara. Fejn hu possibbli, jeħtieġ li jitnaqqsu n-nixxijat. Jeħtieġ investiment fil-manutenzjoni u l-iżvilupp tan-netwerks tad-distribuzzjoni iżda wkoll tal-infrastrutturi tat-trattament tad-dranaġġ. 10 % tal-popolazzjoni tal-UE 25 mhux dejjem kienu konnessi ma’ sistema tal-ġbir tad-dranaġġ fl-2006, b’differenzi sostanzjali bejn il-pajjiżi (15).

3.3.2   It-turiżmu jista’ jżid sew il-konsum tal-ilma, b’mod partikolari fix-xhur tal-vaganzi tas-sajf, u b’mod speċjali fin-nofsinhar tar-reġjuni kostali Ewropej li diġà huma soġġetti għal tensjoni kbira tal-ilma. Is-sensibilizzazzjoni tal-utenti hija essenzjalment komplementari għall-miżuri oħra ta’ preservazzjoni tal-ilma.

3.3.3   Regoli u indipendenza: l-użu mill-ġdid tad-dranaġġ fl-agrikoltura jista’ jkollu parti importanti fil-ġestjoni sostenibbli tal-ilma, u f’termini ta’ sigurtà għas-saħħa pubblika dan għandu jiġi ttrattat bħal sorsi oħra, bit-twaqqif u l-monitoraġġ tal-istandards tas-saħħa. It-trasparenza ta’ dawn l-istandards ikunu żgurati mil-leġislatur u mmonitorjati b’mod indipendenti minn korpi ta’ kontroll ċertifikati jew pubbliċi.

3.4   Is-soċjetà ċivili u l-politiki tal-ilma tal-UE

3.4.1   Fit-22 ta’ Marzu 2010, qabel ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tas-26 ta’ Lulju 2010 (16), il-Kunsill tal-UE ħabbar li s-27 Stat Membru tal-UE jirrikonoxxu d-dritt għall-ilma u għal kundizzjonijiet iġjeniċi tajbin, u tenna li l-Istati kollha għandhom l-obbligi marbuta mad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, u li l-obbligi marbuta mad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u għal kundizzjonijiet iġjeniċi tajbin huma relatati mill-qrib mad-drittijiet tal-bniedem bħalma huma d-drittijiet għall-akkomodazzjoni, l-ikel u s-saħħa.

3.4.2   Id-dritt tas-soċjetà ċivili għall-informazzjoni dwar id-data relatata mal-ilma huwa essenzjali. Fl-1999, il-Land ta’ Berlin ipprivatizza l-kumpaniji tiegħu tal-ġestjoni tal-ilma għall-vantaġġ ta’ Veolia u tal-konglomerat Ġermaniż RWE, u dan irriżulta f’żieda tal-prezzijiet għall-utenti. Il-kuntratti delegati u t-termini li sar qbil dwarhom bejn il-partijiet baqgħu sigrieta. Inizjattiva taċ-ċittadini wasslet għall-organizzazzjoni tal-moviment “Berliner Wassertisch”, li rnexxielu jiġbor biżżejjed firem sabiex isir referendum. 98 % tas-27 % li vvutaw fir-referendum kienu favur il-pubblikazzjoni, imbagħad l-annullament, ta’ dawn il-kuntratti sigrieta. Wara din l-inizjattiva, l-estratti ppubblikati minn dawn il-kuntratti wrew li l-profitti tal-partijiet interessati ta’ dawn iż-żewġ kumpaniji ġew garantiti permezz ta’ sistema ta’ kumpens. B’hekk, il-Land ta’ Berlin (permezz tal-fondi pubbliċi) kien qed jassigura l-profitti ta’ dawn il-kumpaniji fis-snin fejn dawn ma kinux qed jilħqu dawn l-ammonti stipulati fit-termini sigrieta. Aktar u aktar awtoritajiet lokali Ewropej qed japprofittaw mill-iskadenzi ta’ dawn il-kuntratti delegati ma’ kumpaniji privati biex “jieħdu lura f’idejhom” is-servizzi tal-ilma. Madankollu, uħud minnhom, u mhux biss l-iżgħar, sabu li kienu qed jinqabdu f’kuntratti konlużi f’kundizzjonijiet inizjali u legalment inugwali tant li kienu obbligati jżommu l-operaturi privati li kienu qed jipparteċipaw (17). Nistgħu ntejbu l-kundizzjonijiet ta’ trasparenza fid-delegar ta’ servizzi pubbliċi jew ta’ interess ġenerali u fir-rigward tar-reversibbiltà tagħhom, b’mod speċifiku billi neżaminaw il-kwistjonijiet li ġejjin:

il-ġestjoni tal-ilma: investiment mill-ġdid tal-profitti fil-manutenzjoni u l-immodernizzar tan-netwerks;

il-karatteristiċi u l-piżijiet kbar tal-investimenti li jaffettwaw l-aċċess għas-swieq privati kif ukoll pubbliċi m’għandhomx iwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ monopolju u/jew kartelli;

il-finanzjament tal-akbar kumpaniji privati tal-ilma jiġi l-aktar mill-fondi pubbliċi (18);

il-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-impjieg, u tas-sigurtà tal-persunal: jeħtieġ, u ser ikompli jkun meħtieġ, numru suffiċjenti ta’ nisa u rġiel imħarrġa u kwalifikati, koperti minn statut uniku pubbliku għall-impjegati li jaħdmu fis-settur tal-ilma, jiġifieri fl-oqsma tat-trattament tal-ilma, il-monitoraġġ, it-twaqqif milli jsiru infrazzjonijiet, ir-riċerka, eċċ., fil-qafas ta’ statut tal-impjegati sabiex jiġu żgurati l-missjonijiet kollha fid-diversità kollha tagħhom, fil-livelli kollha;

informazzjoni għall-utenti u konsultazzjoni magħhom: il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali, kull fejn jeżistu, huma riżors indispensabbli ta’ konsultazzjoni peress li huma rappreżentattivi u indipendenti, u għandhom l-esperjenza u l-kapaċità li jħejju seduti pubbliċi.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Is-sussidji jkollhom jiġu rimburżati fl-eventwalità ta’ nonkonformità mal-leġislazzjoni rilevanti tal-UE (id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma) u l-leġislazzjoni ta’ traspożizzjoni nazzjonali dwar in-nitrati, il-kwalità tal-ilma u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, b’konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, eċċ.

(2)  Rapport ta’ informazzjoni dwar “Xogħol deċenti u żvilupp sostenibbli madwar il-Mediterran, b’mod partikolari fis-setturi tal-ilma ħelu, tal-ilma baħar u tas-sanitazzjoni”

(3)  Convention on the Law of the Non-navigational Uses of International Watercourses – http://untreaty.un.org/ilc/texts/instruments/english/conventions/8_3_1997.pdf

(4)  COM(2006) 232 finali; 2006/0086/COD COM(2009) 665 finali.

(5)  COM(2011) 146 finali, Opinjoni tal-KESE “Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali” (Ara paġna 149 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali), attwalment fil-fażi tat-tħejjija, relatur: is-Sur Hencks.

(6)  CES 125/2005, 09.02.2005, relatur: is-Sinjura Sanchez Miguel (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Proposta għal regolament tal-Parlament u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, ECO/163, 27.10.2005, is-Sur Barros Vale (Mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  NAT/393: Emissjonijiet industrijali – CES 47-2009, relatur: is-Sur BuffetautNAT/335: IPPC (kodifikazzjoni) – CES 206-2007, relatur: is-Sur OsbornNAT/199: IPPC – CES 1596-2003, relatur: is-Sur Braghin (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  WWF/Usine Nouvelle, 21.10.2010.

(10)  Għal numru ta’ snin, SANOFI AVENTIS, ibbażata f’Ivry (Franza) remiet kontaminanti, inkluż il-benżol li huwa kanċeroġenu qawwi, fin-netwerks għat-trattament tal-ilma ta’ SIAAP minħabba li l-għadajjar ta’ tailings ma kinux kbar biżżejjed.

(11)  CES 125/2005, relatur: is-Sinjura Sanchez Miguel.

(12)  KESE –“Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE, 15.2.2007 relatur: is-Sur Buffetaut (mhux disponibbli bil-Malti).

(13)  Water resources across Europe – confronting water scarcity and drought (Ir-Riżorsi tal-Ilma fl-Ewropa – Niffaċċjaw l-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa), Rapport mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, ISSN 1725-9177, February 2009.

(14)  The European environment – state and outlook 2010 (L-Ambjent Ewropew – l-istat tiegħu l-prospettivi), l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, SOER 2010.

(15)  SOER p. 103 + rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent p.5 + stqarrija għall-istampa tal-Eurostat tal-2006.

(16)  Ir-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti: “Id-dritt tal-bniedem għall-ilma u l-faċilitajiet sanitarji”, 26/7/2010, A/64/L.63/Riv.1, ara: http://www.internationalwaterlaw.org/documents/intldocs/UNGA_Resolution_HR_to_Water.pdf

(17)  Public Citizen, “Kampanja tal-ilma għal kulħadd”, 2007 “Ambjent Veolia: Profil tal-intrapriża. Rapport speċjali mill-Public Citizen fil-kuntest tal-Kampanja tal-Ilma għal Kulħadd” (http://documents.foodandandwaterwatch.org/Vivendi05.pdf), u

Il-kuntratt sigriet tal-privatizzazzjoni tal-ilma f’Berlin ġie ppubblikat fil-ġurnal ta’ Berlin Die Tageszeitung (TAZ) fil-ħarġa tas-Sibt 30 ta’ Ottubru 2010 http://www.taz.de/1/zukunft/wirtschaft/artikel/1/die-raeuberische-wasser-privatisierung/

(18)  http://www.psiru.org/reports/2010-W-EWCS.doc


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/49


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol u r-relazzjoni tal-UE mal-Asja Ċentrali u l-kontribut tas-soċjetà ċivili”

2011/C 248/08

Relatur: is-Sur PEEL

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Settembru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

ir-rwol u r-relazzjoni tal-UE mal-Asja Ċentrali u l-kontribut tas-soċjetà ċivili

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’112-il vot favur, 5 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Għall-kuntrarju tal-Ewropa, m’hemmx sens ta’ affinità reġjonali ġenwina bejn il-ħames pajjiżi tal-Asja Ċentrali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex ikomplu jaħdmu biex ikun hemm sens aktar qawwi ta’ identità u integrazzjoni reġjonali, u jħeġġeġ lil kull pajjiż biex jaħdem aktar mill-qrib mal-ġirien tiegħu, biex jonqsu l-problemi etniċi u l-problemi relatati mal-fruntieri, kif ukoll biex titwitta t-triq għal iktar żvilupp ekonomiku u soċjali aktar sostenibbli.

1.1.1   Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li hemm bżonn kbir ta’ strateġija komprensiva, koeżiva u koordinata tal-UE għall-iżvilupp u l-istabbiliment ta’ kuntatt effettiv bejn is-soċjetà ċivili tal-UE u dik fl-Asja Ċentrali. Attwalment, ftit li xejn jeżisti dan it-tip ta’ kuntatt. Qabel xejn hemm bżonn ta’ livell ħafna ogħla ta’ rappreżentanza diplomatika tal-UE.

1.1.2   Huwa importanti li jintuża kemm jista’ jkun l-għarfien espert kollu fl-istituzzjonijiet tal-UE, b’konformità mal-Artikolu 11 tat-Trattat ta’ Lisbona, u għaldaqstant nitolbu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jinvolvi lill-Kumitat kull fejn possibbli, speċjalment fil-bini tal-kapaċitajiet abbażi tal-esperjenza tagħna fi bnadi oħra (pereżempju l-Balkani, l-Amerika Latina).

1.1.3   Għaldaqstant, nirrakkomandaw li jiġi stabbilit mekkaniżmu formali permezz tas-SEAE, li jinvolvi lill-KESE, l-ewwel nett biex ikun hemm identifikazzjoni aktar ċara tal-interlokuturi maġġuri eżistenti tas-soċjetà ċivili f’kull pajjiż, inklużi msieħba indipendenti effettivi mill-intrapriża u t-trejdjunjins, u t-tieni nett biex jiġu identifikati organizzazzjoniijet ġodda u emerġenti tas-soċjetà ċivili u biex jiġu appoġġjati fl-iżvilupp tagħhom. Biex dawn l-għanijiet jiżviluppaw iktar, delegazzjoni żgħira tal-KESE għandha żżur l-Asja Ċentrali.

1.1.4   Il-Kumitat jappoġġja bil-qawwa l-proċess ta’ djalogu tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem li huwa strutturat tajjeb, u li huwa frott bikri u pożittiv tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali; iżda jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li s’issa ma ġiex inkluż. Ir-rettifikazzjoni ta’ dan għandha tkun waħda mill-ogħla prijorità.

1.1.5   Dawn l-isforzi biex jinħolqu rabtiet ħafna aktar b’saħħithom bejn in-nies għandhom jinkludu rabtiet edukattivi u relatati maż-żgħażagħ aktar stretti, peress li l-maġġoranza tal-popolazzjoni hija taħt il-25 sena, u għandhom iżidu b’mod aktar rapidu l-użu tal-programm Erasmus Mundus miż-żewġ naħat. Dan għandu jinkludi l-faċilitazzjoni tal-viża għal finijiet edukattivi, it-tneħħija tal-miżati għall-aktar studenti bravi mill-Asja Ċentrali, il-promozzjoni tal-kotba tal-lingwa bl-Ingliż, l-iskejjel tas-sajf, u s-sħubijiet fil-livell universitarju u dak tal-iskejjel sekondarji.

1.2   Il-kwistjoni iktar ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem hija marbuta mill-qrib mal-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili. Dan huwa qasam prinċipali fejn l-Ewropa tista’ u qiegħda toffri għajnuna effettiva lill-pajjiżi tal-Asja Ċentrali li qed isegwu t-triq indipendenti tagħhom. Madankollu, l-attenzjoni fil-fatt għandha tiffoka fuq in-negozjar u s-sensibbiltà kulturali. Minkejja l-problemi li għadhom għaddejjin, kull wieħed mill-ħames pajjiżi rratifika t-tmien konvenzjonijiet prinċipali tal-ILO (b’żewġ eċċezzjonijiet li jissemmew f’punt 5.4.1). L-identifikazzjoni ta’ kif u fejn l-Ewropa tista’ tgħin lill-Asja Ċentrali biex twettaq dawn l-impenji u oħrajn hija mezz prattiku biex tinbena fiduċja reċiproka.

1.2.1   Il-Kumitat jappoġġja wkoll bis-sħiħ il-progress lejn il-possibbiltà ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ kull wieħed mill-ħames pajjiżi. B’konformità ma’ ftehimiet kummerċjali reċenti oħra tal-UE, f’dan il-kuntest nissuġġerixxu li f’kull każ jitwaqqaf Forum tas-Soċjetà Ċivili, li għandu jinkludi l-iżvilupp sostenibbli, biex ikun hemm skambju tal-għarfien espert tal-Kumitat.

1.3   F’dan il-kuntest, fost il–kwistjonijiet diffiċli ta’ rilevanza partikolari nsibu dawk marbuta mas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, is-sigurtà tal-ilma u l-provvista tal-ilma. Nirrakkomandaw li l-UE taqdi rwol akbar biex tħeġġeġ lill-ħames pajjiżi jaħdmu flimkien biex jindirizzaw dawn il-problemi serji b’mod olistiku. Il-Kummissjoni għandha tiċċara kemm dawn l-isfidi huma relatati. Fir-rigward tas-sigurtà tal-ilma u tal-provvista tal-ikel, l-Ewropa għandha esperjenza pożittiva bis-saħħa tal-għajnuna li toffri lill-pajjiżi l-oħra u din l-esperjenza għandha tintuża bis-sħiħ biex tissaħħaħ aktar il-fiduċja.

1.4   Kif diġà ħeġġeġ li jsir (1), il-Kumitat jirrakkomanda li fil-każ ta’ negozjati kummerċjali futuri, il-Kummissjoni tuża s-27 konvenzjoni elenkati fis-sistema tagħha għal arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp u governanza tajba (GSP Plus) bħala bażi għal żvilupp ta’ kummerċ usa’ u mhux relatat mal-enerġija mal-Asja Ċentrali u li tuża l-miżuri ta’ għajnuna teknika relatata mal-kummerċ (Trade Related Technical Assistance (TRTA)), fejn ikun hemm bżonn.

1.5   Il-Kumitat jirrakkomanda li l-iżvilupp tar-rabtiet tal-UE mal-Asja Ċentrali għandu jkun marbut mill-qrib u b’mod reċiproku mal-involviment tal-UE mar-Russja, iċ-Ċina u t-Turkija, iżda mhux mal-Iran sakemm jibqgħu japplikaw is-sanzjonijiet.

1.6   Il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali għandhom ammont konsiderevoli ta’ riżervi potenzjali tal-enerġija li joffru lill-Ewropa sorsi addizzjonali u komplementari (minflok alternattivi) ta’ enerġija, għalkemm huma kumplikati minħabba kwistjonijiet ta’ tranżitu u trasport. Huwa importanti li l-vijabbiltà ta’ rabtiet bħal dawn tkun ibbażata fuq raġunijiet prattiċi u ekonomiċi.

1.7   L-Asja Ċentrali m’għandhiex tkun il-venda tal-linji tat-trasport/tranżitu tal-Ewropa iżda għandha tiġi kkunsidrata bħala waqfa fir-rotta lejn iċ-Ċina u lil hinn. Il-kuruturi tat-trasport proposti taċ-Ċina u tal-UE għandhom jiġu armonizzati. Ir-“Rotta tal-Ħarir” antika għandha tiġi żviluppata bħala triq kummerċjali u tal-enerġija.

2.   Introduzzjoni

2.1   Għalkemm il-Każakistan huwa d-disa’ l-akbar pajjiż f’termini ta’ erja, il-ħames pajjiżi fl-Asja Ċentrali (il-Każakistan, il-Kirgiżistan, l-Uzbekistan, it-Turkmenistan u t-Taġikistan) f’daqqa għandhom popolazzjoni ta’ 61 miljun persuna – l-istess daqs tar-Renju Unit, Franza jew l-Italja waħedhom.

2.2   Huwa essenzjali li wieħed jirrealizza li effettivament dawn huma pajjiżi ġodda li għadhom qed jissawru. Għalkemm indipendenti u kompletament rikonoxxuti, huma frott id-diżintegrazzjoni tal-USSR. Fl-ebda pajjiż minnhom ma kien hemm “moviment ta’ liberazzjoni nazzjonali” importanti. F’kull wieħed minnhom, l-elit politiku sovjetiku preċedenti baqa’ fil-poter bħala l-elit indipendenti l-ġdid. Madankollu, dan l-isfond komuni ta’ bejniethom jibqa’ fattur pożittiv fit-tħeġġiġ tal-koeżjoni reġjonali, li hija dgħajfa u ’l bogħod mil-livell ta’ koeżjoni fl-Ewropa; il-koeżjoni reġjonali hija kunċett li l-UE qed tibda trawwem f’dan ir-reġjun.

2.3   Barra minn hekk, huma qed joperaw fi ħdan fruntieri li m’għażlux huma stess jew li huma bbażati fuq fruntieri naturali. Dan ġew definiti minn barranin u saru repubbliki kostitwenti tal-USSR, li wassal għal tensjonijiet etniċi kif juri l-każ reċenti tal-Kirgiżistan meta l-komunità fil-minoranza Uzbeka sfat vittma ta’ tensjonijiet. Dan joffri opportunità maġġuri għall-UE biex tuża l-esperjenza tagħha biex tindirizza t-tensjonijiet nazzjonali.

2.4   Dawn il-pajjiżi wirtu ekonomiji ppjanati ċentralment: mudelli konvenjenti għall-eliti attwalment fil-poter. Din l-intransiġenza fundamentali kkumplikat ruħha minħabba li reġgħu nibtu r-rivalitajiet strateġiċi internazzjonali u antiki (fost l-oħrajn minħabba l-prossimità mal-Afganistan u l-Iran), iżda li issa saru rivalitajiet ekonomiċi wkoll peress li nstabu sorsi naturali tal-enerġija, b’mod partikolari sorsi tal-gass u ż-żejt, li s’issa għadhom ma ġewx ikkwantifikati, speċjalment fir-rigward tal-gass fit-Turkmenistan.

2.4.1   Diġà rajna li ħarġu fid-dieher kwistjonijiet ta’ poter li jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra f’din iż-żona (b’mod partikolari fil-Każakistan). L-infrastruttura amministrattiva antika tan-Nomenklatura Sovjetika issa tista’ tiġi deskritta aħjar bħala nomenklatura tal-klann/familja. Dan huwa qasam potenzjali ieħor fejn l-UE tista’ tgħin permezz tal-programmi tagħha għas-soċjetà ċivili u l-governanza billi tappoġġja miżuri favur it-trawwim ta’ servizz ċivili aktar newtrali.

2.5   Qabel ma waqgħet taħt il-ħakma Russa fis-seklu dsatax, l-Asja Ċentrali kienet magħmula minn kanati (khanates) u emirati musulmani indipendenti ħafna, b’ismijiet eżotiċi, inklużi Bokhara u Khiva. Iżda dawn kienu wkoll imbiegħda minħabba ż-żona vasta ta’ deżert madwarhom. Tamurlane bena l-imperu kbir ħafna tiegħu bbażat fuq Samarkand u l-popolazzjoni hija parzjalment dixxendenti tal-armati ta’ Gengkhiz Khan u tal-“Ħażna tad-Deheb”. Ta’ min jinnota wkoll it-tradizzjoni xjentifika b’saħħitha f’din iż-żona, b’mod partikolari fil-qasam tal-astronomija miż-żmien tal-Osservatorju li waqqaf Ulugh Beg, in-neputi ta’ Tamurlane, fl-1420. Illum il-ġurnata, il-Każakistan huwa involut ħafna fil-programm spazjali.

3.   Logħba Kbira ġdida?

3.1   Minkejja l-pożizzjoni inospitabbli tagħha, l-Asja Ċentrali saret ta’ importanza strateġika ewlenija. B’riflessjoni tal-“Lobgħa l-Kbira” tas-seklu dsatax (meta l-Asja Ċentrali kienet ix-xena ta’ rivalitajiet bejn l-ambizzjonijiet Britanniċi u Russi), għal darb’oħra l-Asja Ċentrali, bl-eċċezzjoni tal-Asja tal-Lvant, probabbilment hija l-unika żona fid-dinja fejn hemm it-theddida ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-ħafna interessi maġġuri.

3.2   Peress li kienet taħt il-ħakma tar-Russi għal aktar minn seklu ovvjament l-influwenza Russa għadha qawwija ħafna f’din iż-żona. Ir-Russu huwa l-lingwa komuni, ir-rabtiet ekonomiċi għadhom b’saħħithom u r-Russja temmen li din iż-żona taqa’ b’mod naturali fl-isfera ta’ influwenza tagħha. Fl-2010, il-Każakistan daħal f’Unjoni Doganali mar-Russja (u l-Bjelorussja) u hemm pajjiżi oħra li qed juru interess. Għall-Kirgiżistan, bħala l-uniku membru tad-WTO f’din iż-żona, din tkun problema kbira. Madankollu, l-Uzbekistan u t-Turkmenistan b’mod partikolari huma aktar xettiċi mill-oħrajn dwar il-ħolqien mill-ġdid ta’ rabtiet mar-Russja.

3.3   Iċ-Ċina hija involuta ħafna wkoll fl-iżvilupp u dan esprimietu b’mod formali permezz tas-sħubija tagħha fl-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai (li fiha huma msieħba wkoll ir-Russja u l-Iran). Iċ-Ċina għandha interessi strateġiċi fil-qasam tal-enerġija; fl-2010, inbena pipeline fi żmien qasir ħafna li jibda mit-Turkmenistan, jaqsam l-Uzbekistan u l-Każakistan u li dalwaqt ser ikun imqabbad kompletament man-netwerk intern tal-enerġija taċ-Ċina. Iċ-Ċina għandha interessi kbar ukoll fil-bini ta’ kuruturi strateġiċi tal-ferroviji u t-toroq lejn il-Punent li jgħaddu mill-Asja Ċentrali, iżda s’issa dawn għadhom ma ġewx allinjati mal-kuruturi tat-trasport Ewropej fil-Lvant. Din is-sitwazzjoni għandha titranġa. Ir-“Rotta tal-Ħarir” antika, li diġà hija itinerarju turistiku, tista’ tiġi żviluppata wkoll b’mod li jrendi l-qligħ bħala awtostrada kummerċjali u fil-qasam tal-enerġija.

3.4   L-Iran u l-Afganistan huma involuti mill-qrib, billi huma ġirien qrib xulxin, il-popolazzjoni tagħhom titkellem lingwa relatata mal-Persjan (bħat-Taġikistan), u dan l-aħħar esperjenzaw episodji ta’ fundamentaliżmu Iżlamiku. Il-ħerqa reliġjuża bħalissa qed tiġi kkontrollata b’mod strett minn kull pajjiż tal-Asja Ċentrali, però qed tikber. It-tixwix Iżlamiku kien fattur fil-gwerra ċivili li faqqgħet fit-Taġikistan fid-disgħinijiet, u ħafna jibżgħu li dan jista’ jerġa’ jseħħ. Minħabba s-sanzjonijiet relatati mal-kwistjoni nukleari, għall-Iran ir-rabtiet mat-Turkmenistan huma ta’ importanza kbira, bħalma hu l-bini ta’ pipeline strateġiku gdid. Il-kwistjoni tat-traffikar tad-drogi barra mill-Afganistan kulma jmur qed issir aktar preokkupanti, iżda din hija aktar problema marbuta mal-użu finali fil-Punent: it-trażżin u l-kontroll tas-suq illegali fl-Ewropa (u fl-Istati Uniti) għandhom jagħmlu parti wkoll mis-soluzzjoni u l-uffiċjali foqra u li jistgħu jiġu korrotti fl-Asja Ċentrali għandhom jintalbu b’ħerqa kbira jiġġieldu kontra t-traffikar tad-droga.

3.5   It-Turkija għandha influwenza qawwija wkoll f’din iż-żona b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-popli kollha, apparti dawk mit-Taġikistan, huma Turkiċi b’lingwi interkonnessi. It-Turkija kienet involuta sew wara l-kollass tal-Unjoni Sovjetika u wara xi xkiel inizjali qed terġa’ żżid l-influwenza tagħha f’din iż-żona. It-Turkija ser tkun ukoll punt ewlieni għall-pipelines tal-enerġija mal-Punent.

3.6   L-Istati Uniti huma preżenti ħafna fir-reġjun fost l-oħrajn minħabba l-gwerra fl-Afganistan.

3.7   Dan kollu jwassal għall-mistoqsija dwar il-livell ta’ involviment tal-UE, u għandu jiġi nnutat ukoll il-fatt li l-ebda Stat Membru tal-UE m’għandu rabtiet kolonjali ma’ dan ir-reġjun. Il-bżonnijiet tal-UE għandhom jitqiesu għat-tul u għandhom jiġu kkunsidrati bis-sħiħ ir-relazzjonijiet usa’ tal-UE.

3.7.1   L-UE diġà qed twettaq negozjati maġġuri mar-Russja u ċ-Ċina, li magħhom l-UE għandha Sħubija Strateġika. Għaddejjin taħditiet dwar l-adeżjoni mat-Turkija, għalkemm il-progress huwa bil-mod ħafna. Madankollu, għad hemm l-impressjoni li r-rabtiet tal-UE mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali huma ttrattati b’mod kompletament indipendenti minn dawn il-pajjiżi l-oħra – li għalina ma jagħmilx sens. L-iżvilupp tar-rabtiet tal-UE mal-Asja Ċentrali għandhom ikunu marbuta mill-qrib u b’mod reċiproku mal-involviment tal-UE mar-Russja, iċ-Ċina u t-Turkija; bl-istess mod, ir-relazzjonijiet tagħna mal-Asja Ċentrali m’għandhomx jiġu żviluppati b’tali mod li jxekklu r-relazzjonijiet strateġiċi tagħna ma’ dawn l-imsieħba prinċipali. Peress li bħalissa qed jiġu applikati sanzjonijiet kontra l-Iran ikun prematur li l-Iran jiġi involut ukoll, iżda anke f’dan il-każ, il-formula Iran/Asja Ċentrali għandha titqies.

4.   L-involviment tal-UE fl-Asja Ċentrali

4.1   F’Lulju 2007, l-UE nediet l-istrateġija tagħha stess għall-Asja Ċentrali, strateġija spirata mill-Presidenza Ġermaniża. Dan jista’ jiġi kkunsidrat pjuttost bħala mġiba paternalistika, iżda l-livelli baxxi ħafna ta’ kummerċ għad iridu jiżdiedu. Apparti l-Każakistan, li fl-2009 (bħal fl-2007) irrappreżenta 0,9 % tal-importazzjonijiet u 0,5 % tal-esportazzjonijiet tal-UE, l-ebda pajjiż ieħor ma qabeż 0,1 % tal-kummerċ tal-UE. Minkejja dawn iċ-ċifri, l-UE għadha msieħba kummerċjali essenzjali għal kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, speċjalment għall-Każakistan, li għalih l-UE hija, f’termini ta’ volum ta’ kummerċ, imsieħeb kummerċjali aktar importanti mir-Russja jew iċ-Ċina.

4.2   Huwa pertinenti ħafna li l-UE turi interess mill-qrib fl-Asja Ċentrali, speċjalment fid-dawl tal-Programm tas-Sħubija tal-Lvant u tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. Dawn jinvolvu b’mod effettiv (flimkien mat-Turkija) lill-pajjiżi kollha li kienu jagħmlu parti minn dik li qabel kienet il-USSR, bl-eċċezzjoni tar-Russja li magħha l-UE qed tinnegozja relazzjoni strateġika ġdida u awtonoma. Xi Stati Membri tal-UE, b’mod partikolari l-Litwanja u dejjem aktar il-Ġermanja, diġà għandhom rabtiet b’saħħithom ħafna mal-Asja Ċentrali, filwaqt li, għal ħafna, l-Azerbajġan huwa konness aktar mill-qrib mal-Asja Ċentrali milli mal-Kawkasu għal bosta raġunijiet inklużi l-enerġija u r-reliġjon.

4.2.1   Waħda mill-kwistjonijiet prinċipali hija l-enerġija. Il-pajjiżi tal-Asja Ċentrali għandhom ammont konsiderevoli ta’ riżervi potenzjali tal-enerġija li joffru lill-Ewropa sorsi addizzjonali u komplementari ta’ enerġija, għalkemm huma kumplikati minħabba kwistjonijiet ta’ tranżitu u trasport. Huwa essenzjali li l-UE tibqa’ realistika dwar il-provvista potenzjali ta’ enerġija mir-reġjun u li l-vijabbiltà ta’ rabtiet bħal dawn tkun ibbażata fuq raġunijiet prattiċi u ekonomiċi. Huwa importanti wkoll għall-pajjiż ospitanti li dawn is-sorsi ta’ enerġija naturali jitqiesu bħala komplementari għall-provvisti eżistenti u bħala sors ta’ u mhux bħala provvisti alternattivi possibbli, jew bħala pedina biex jiġu influwenzati r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra fir-reġjun.

4.3   Minkejja t-ton ottimist tar-Rapport ta’ Progress ta’ Ġunju li għadda, ir-rabtiet tal-UE mal-ħames pajjiżi tal-Asja Ċentrali huma partikolarment dgħajfa. L-UE għandha missjoni waħda biss fil-Każakistan, filwaqt li dan l-aħħar għadhom kif infetħu delegazzjonijiet fil-Kirgiżistan u t-Taġikistan. Fl-Uzbekistan u t-Turkmenistan, l-UE hija rrappreżentata biss permezz ta’ “Europa Houses” li l-persunal tagħhom huma prinċiplament konsulenti kuntrattwali. Skont is-CEPS (2), 18-il Stat Membru għandhom ambaxxati fil-Każakistan, 10 fl-Uzbekistan u huma ftit li għandhom ambaxxati bnadi oħra. Il-Ġermanja u Franza għandhom ambaxxati fil-ħames pajjiżi kollha, ir-Renju Unit għandu 4 ambaxxati. Disa’ Stati Membri m’għandhom l-ebda rappreżentanza. Biex tirnexxi, l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali ser tiddependi minn livell akbar ta’ rappreżentanza tal-UE li ser tipprovdi test preliminari għas-Servizz Ewropew il-ġdid għall-Azzjoni Esterna (SEAE), minkejja l-limitazzjonijiet baġitarji severi tiegħu. Azzjoni konġunta permezz tas-SEAE dwar kwistjonijiet ewlenin bħall-viża (tal-anqas għall-pajjiżi tax-Schengen) ser tkun fost dawn it-testijiet.

4.4   Madankollu, l-UE nnegozjat Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-ħames pajjiżi. Il-ftehimiet mal-Każakistan, il-Kirgiżistan u l-Uzbekistan daħlu fis-seħħ fl-1999, għalkemm il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-Uzbekistan ġie parzjalment sospiż mill-2005 sal-2008 wara l-massakru ta’ Andijan. Il-ftehim mat-Taġikistan (li dam biex jiġi konkluż minħabba l-gwerra ċivili) ġie rratifikat biss fl-2009, filwaqt li l-ftehim mat-Turkmenistan għad irid jiġi rratifikat minħabba kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem.

4.5   Il-Każakistan b’mod partikolari jidher li huwa l-attur prinċipali fir-reġjun. Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Każakistan qed jiżviluppaw b’mod sinifikanti, u qed jingħataw spinta ’l quddiem permezz ta’ interess dejjem jikber fir-relazzjoni miż-żewġ naħat. Jidher ċar li l-Każakistan huwa l-aktar pajjiż aċċessibbli fir-reġjun għall-UE u permezz tal-parteċipazzjoni attiva u ta’ suċċess tiegħu fil-Presidenza tal-OSKE (3) ta sinjal ċar tax-xewqa tiegħu li jaqdi rwol prinċipali. Il-fatt li Każakistan daħal fl-Unjoni Doganali mar-Russja u l-Bjelorussja u li qed juri interess ċar biex jissieħeb fid-WTO, possibbilment flimkien mar-Russja, joħroġ fid-dieher ix-xewqa tiegħu li jipparteċipa aktar fi kwistjonijiet oħra b’mod ġenerali. Sinjal ieħor huwa t-tkabbir ta’ klassi intraprenditorjali ta’ żgħażagħ, li tinsab lesta u mħeġġa tistudja barra mill-pajjiż, flimkien mal-ħolqien ta’ kultura tas-soċjetà ċivili u l-parteċipazzjoni tagħha.

4.6   Xewqa simili għal vizibbiltà internazzjonali akbar għad trid tiġi espressa mill-Uzbekistan, li għad għandu approċċ magħluq u awtoritarju, bħal fil-każ tat-Turkmenistan. Oriġinarjament, l-Uzbekistan deher li kien l-aktar kandidat li seta’ jiżviluppa rabtiet mal-Ewropa, iżda dik it-tama sfaxxat fix-xejn, b’mod partikolari wara dak li ġara f’Andijan, filwaqt li l-Każakistan ħareġ bħala possibbiltà oħra.

4.7   Madankollu, minkejja t-tħassib qawwi relatat mall-kunflitti etniċi li seħħew fl-2010, il-Kirgiżistan huwa soċjetà iktar miftuħali għandha parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili. Dan huwa wkoll il-każ tat-Taġikistan, fejn ir-rabtiet mal-UE huma partikolarment dgħajfa. It-Taġikistan huwa aktar fraġli; għadda minn gwerra ċivili kbira fid-disgħinijiet, li tista’ terġa sseħħ u l-pajjiż qed jiffaċċja kriżi tal-ikel.

5.   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili u d-drittijiet tal-bniedem

5.1   Ir-rwol tas-soċjetà ċivili huwa intermittenti u jvarja ħafna bejn il-ħames pajjiżi. Fil-Kirgiżistan hemm l-ogħla livell ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili filwaqt li fil-Każakistan u t-Taġikistan qed tiżviluppa kultura tas-soċjetà ċivili.

5.1.1   Madankollu, is-soċjetà ċivili qdiet rwol ċar fil-proċess ta’ djalogu tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, proċess strutturat tajjeb u li kien wieħed mill-ewwel riżultati tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali f’dawn it-tliet pajjiżi. B’hekk żdiedu l-laqgħat annwali fil-livell uffiċjali, b’seminars separati tas-soċjetà ċivili li jinvolvu lill-avukati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u lill-NGOs lokali, fil-preżenza tal-uffiċjali tal-UE. Dawn il-laqgħat għandhom aġenda standardizzata iżda s’issa mhemmx benchmarking effettiv biex jitkejlu r-riżultati.

5.1.2   Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ dan il-proċess iżda jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li s-SEAE għadu ma ħasibx biex jinkludi l-KESE fih. Inħeġġu lis-SEAE biex jirretifika dan mill-aktar fis possibbli għaliex aħna msieħeb tad-djalogu u pont għas-soċjetà ċivili usa’, b’għarfien fil-fond u prattiku u kompetenza esperta rikonoxxuta b’mod mifrux.

5.2   Dan il-livell ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili mhuwiex rifless la fl-Uzbekistan (fejn ġew stabbiliti NGOs organizzati mill-gvern) u lanqas fit-Turkmenistan fejn s’issa m’hemm l-ebda soċjetà ċivili indipendenti.

5.2.1   Huwa importanti li jitfakkar li qabel l-indipendenza, fl-ebda pajjiż minn dawn ma kien hemm tradizzjoni jew fehim tas-soċjetà ċivili bħala intermedjarju bejn l-Istat u ċ-ċittadini; lanqas il-kunċett tal-NGOs ma kien magħruf. It-trejdjunjins, il-komunità, u l-assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ u dawk professjonali lkoll kienu jagħmlu parti mill-istruttura tal-istat, bi ftit kuntatt ma’ influwenzi esterni biex jgħinuhom isawru istituzzjonijiet ġodda ta’ wara l-indipendenza. Madankollu, ħafna minnhom adottaw stil aktar indipendenti flimkien ma’ intrapriżi privatizzati tal-Istat, trejdjunjins indipendenti u assoċjazzjonijiet professjonali, b’mod partikolari fil-Każakistan u l-Kirgiżistan u, sa ċertu punt, fit-Taġikistan.

5.2.2   Fid-disgħinijiet ġew żviluppati inizjattivi bbażati fuq komunitajiet rurali lokali u gruppi ta’ għajnuna awtonoma (self-help groups) ibbażati fuq il-komunità lokali tradizzjonali u l-gruppi ta’ għajnuna awtonoma tal-klann hashar/ashar. Dawn il-gruppi ġew żviluppati biex jindirizzaw it-tħarbit tas-sistemi tas-sigurtà soċjali Sovjetiċi imma huma differenti ħafna mill-NGOs li huma rikonoxxuti internazzjonalment. Dawn l-NGOs ħarġu fid-dieher iżda kienu limitati għaż-żoni urbani ewlenin u sikwit kienu jiddependu minn ammont sinfikanti ta’ appoġġ finanzjarju estern (inkluż mill-Istati Uniti). Kull pajjiż żviluppa b’mod differenti u ffaċċja problemi diversi imma wara r-rivoluzzjonijiet “tal-kulur” fil-Ġeorġja, l-Ukraina u l-Kirgiżistan, l-NGOs (ikkunsidrati minn ħafna bħala barranin u mħallsa żżejjed meta mqabbla mal-pagi lokali) kienu soġġetti għal restrizzjonijiet severi fl-Uzbekistan u fil-fatt għabu għalkollox fit-Turkmenistan. Dan l-aħħar, kien hemm żieda dejjem akbar fid-disparitajiet bejn iż-żoni urbani u dawk rurali kif ukoll fl-influwenza u l-attività ta’ natura Iżlamika.

5.3   Bejn is-soċjetà ċivili tal-UE u dik tal-Asja Ċentrali jidher li ftit hemm kontribut formali jew kuntatt mill-qrib. Din mhijiex ħaġa tal-għaġeb meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ kuntatti interpersonali bejn iċ-ċittadini tal-UE u dawk tal-Asja Ċentrali. Qabel ma s-soċjetà ċivili fl-Asja Ċentrali tkun tista’ taqsam jew anke tidentifika mal-valuri tagħna jeħtieġ li l-ewwel ninfurmawha dwarhom u niżguraw li jiġu mifhuma b’mod mifrux mingħajr ma jiġu imposti. Il-Każakistan jista’ jservi ta’ pont f’dan il-każ b’mod partikolari minħabba l-kuntatti mtejbin tiegħu bejn l-intrapriżi u l-unjins.

5.3.1   Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn kbir ta’ strateġija komprensiva, koeżiva u koordinata tal-UE għall-iżvilupp ta’ kuntatt bejn is-soċjetà ċivili mal-Asja Ċentrali. Il-Kumitat jinsab f’pożizzjoni tajba biex imexxi ’l quddiem dan il-proġett – l-isfida prinċipali hija li jinstab l-aħjar mod biex jitħeġġu aktar id-djalogu u l-kuntatti interpersonali, jiġu identifikati s-suġġetti ta’ interess komuni u gruppi emerġenti tas-soċjetà ċivili u tiġi promossa l-prattika tajba biex dan kollu jwassal għall-istabbiliment ta’ mekkaniżmu aktar formali għat-trawwim ta’ kuntatt tas-soċjetà ċivili aktar effettiv.

5.3.2   Il-ħidma attwali tas-SEAE fir-reġjun għandha tintlaqa’. Madankollu, huwa essenzjali li jiġi massimizzat l-użu tal-għarfien espert kollu li huwa disponibbli fl-istituzzjonijiet tal-UE u għaldaqstant, bħal fil-każ tal-proċess ta’ djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, nitolbu lis-SEAE biex tinvolvi lill-Kumitat kull fejn possibbli, biex nappoġġjaw it-tisħiħ tal-kapaċitajiet abbażi tal-esperjenza prinċipali tagħna bnadi oħra.

5.3.3   Għal dan il-għan jidher li hemm tliet possibbiltajiet. L-ewwel nett, il-Kumitat stess, bl-għajnuna tas-SEAE, għandu jidentifika b’mod ċar l-interlokuturi prinċipali. Għandhom jiġu identifikati intrapriżi indipendenti effettivi u msieħba indipendenti tat-trejdjunjins u għandhom jiġu stabbiliti rabtiet sodi fil-ħames pajjiżi flimkien ma’ msieħba rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili. L-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Min Iħaddem m’għandha l-ebda membru fl-Asja Ċentrali, għalkemm għandha kuntatti fil-Każakistan. Għal dan il-għan huwa rrakkomandat li delegazzjoni żgħira tal-KESE żżur l-Asja Ċentrali (kif ukoll biex tippromovi din l-Opinjoni).

5.3.4   Wara, huwa essenzjali li organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili li qed jiżviluppaw jiġu identifikati, imħeġġa u jingħataw appoġġ prattiku hekk kif ikunu qed jiżviluppaw. F’dan il-każ ukoll nitolbu lis-SEAE biex jinvolvi lill-Kumitat kull meta u kull fejn dan ikun adatt.

5.3.5   Il-Kumitat jappoġġja wkoll bis-sħiħ il-progress lejn il-possibbiltà ta’ ftehimiet kummerċjali ma’ kull wieħed mill-ħames pajjiżi. B’konformità ma’ ftehimiet kummerċjali reċenti oħra tal-UE, nirrakkomandaw li jiġi introdott forum tas-soċjetà ċivili f’kull pajjiż, biex ir-rabtiet mas-soċjetà ċivili fir-reġjuni jkunu fformalizzati aktar. Dan jippermetti wkoll li l-għarfien espert tal-Kumitat dwar l-iżvilupp sostenibbli jinqasam mar-rappreżentanti rilevanti tas-soċjetà ċivili.

5.3.6   Fl-aħħar nett, jeħtieġ li jitħeġġu aktar il-kuntatti u l-iskambji maż-żgħażagħ u li jintuża ħafna aktar il-Programm Erasmus Mundus biex jitħeġġu rabtiet edukattivi aktar fil-fond kif ukoll il-mobbiltà fil-qasam tal-edukazzjoni miż-żewġ naħat. Dan għandu jinkludi l-iffaċilitar tal-viża għal finijiet edukattivi, it-tneħħija tal-miżati għall-aktar studenti bravi mill-Asja Ċentrali, il-promozzjoni tal-kotba tal-lingwa bl-Ingliż, l-iskejjel tas-sajf, u s-sħubijiet fil-livell universitarju u dak tal-iskejjel sekondarji. Nilqgħu b’sodisfazzjon il-fatt li l-baġit rdoppja għal EUR 10 miljun fis-sena, iżda kif jindika r-Rapport ta’ Progress, il-maġġoranza tal-popolazzjoni fl-Asja Ċentrali għandha inqas minn 25 sena (u b’hekk ma tiftakarx iż-żminijiet tal-Unjoni Sovjetika).

5.3.7   Is-soċjetà ċivili għandha rwol prinċipali x’taqdi biex tħeġġeġ koeżjoni u integrazzjoni reġjonali akbar, li huma importanti għat-tiswir ta’ ambjent ekonomiku u soċjali li fih is-swieq jistgħu joperaw b’mod effettiv, għall-promozzjoni tal-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, għall-iżvilupp ta’ SMEs, it-tisħiħ tal-infrastruttura lokali u t-tnaqqis tal-faqar, bl-appoġġ ta’ istituzzjonijiet robusti b’termini ta’ referenza ċari. L-esperjenza tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi Baltiċi fost l-oħrajn ser tkun partikolarment utli f’dan ir-rigward.

5.3.8   Dan għandu jkun ibbażat fuq impenn politiku, paċi u sigurtà, l-istat tad-dritt, aktar demokrazija, governanza tajba u stabbiltà makroekonomika.

5.4   Madankollu, il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem, li bilkemm qed timxi ’l quddiem, hija marbuta mill-qrib mal-kwistjoni tal-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili, speċjalment fl-Uzbekistan u t-Turkmenistan. Bi storja twila ta’ tmexxija awtokratika u nuqqas ta’ kwalunkwe tradizzjoni ta’ drittijiet tal-bniedem, jeħtieġ li l-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem taqdi rwol akbar jekk l-UE u s-soċjetà ċivili tal-UE trid tiżviluppa relazzjoni ta’ ħidma effettiva mal-Asja Ċentrali. Id-drittijiet tal-bniedem jiddefinixxu l-Ewropa u l-istorja tagħha u dan huwa qasam ewlieni fejn bir-raġun l-Ewropa tħoss li tista’ toffri għajnuna.

5.4.1   Madankollu, l-attenzjoni fil-fatt għandha tiffoka fuq in-negozjar u s-sensibbiltà kulturali. Kull wieħed minn dawn il-pajjiżi qabel b’mod volontarju mad-Drittjiet Universali tal-Bniedem billi ssieħeb fin-Nazzjonijiet Uniti u l-istituzzjonijiet assoċjati (pereżempju l-ILO). Għall-kuntrarju ta’ ħafna msieħba kummerċjali oħra tal-UE, kull pajjiż tal-Asja Ċentrali diġà rratifika t-tmien konvenzjonijiet qafas tal-ILO, bl-eċċezzjoni tal-Uzbekistan li ma rratifikax il-konvenzjoni Nru 87 dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u t-Turkmenistan li ma rratifikax il-Konvenzjoni Nru 138 dwar l-età minima. It-Turkmenistan iffirma l-Konvenzjoni Nru 182 dwar it-Tħaddim tat-Tfal f’Novembru 2010, u l-Uzbekistan iffirma l-Konvenzjoni dwar l-Età minima fl-2009. L-infurzar huwa kwistjoni oħra. Għaldaqstant, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-ILO, tagħmel enfasi ikbar fuq l-identifikazzjoni ta’ kif u fejn l-Ewropa tista’ tgħin bl-aħjar mod lill-Asja Ċentrali biex twettaq bis-sħiħ dawn l-impenji.

5.4.2   Dan joffri triq prattika ’l quddiem biex tinbena fiduċja reċiproka. Għalkemm l-ebda dritt fundamentali m’huwa iktar importanti minn ieħor, għad hemm problemi kruċjali fir-rigward tal-libertajiet bażiċi tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-libertajiet ta’ assemblea, assoċjazzjoni u espressjoni. L-UE diġà kisbet riżultati tajbin billi trattat kwistjonijiet bħad-diżabbiltà b’mod pożittiv.

5.4.3   Madankollu, għad hemm tħassib u problemi prinċipali u l-ġrajjiet reċenti fl-Afrika ta’ Fuq iservu ta’ tfakkira kemm tal-importanza tat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili kif ukoll tal-urġenza li jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet bażiċi b’mod pożittiv. Il-Kumitat jixtieq jiżviluppa kuntatti b’saħħithom u effettivi kif ukoll relazzjoni ta’ ħidma tajba mas-soċjetà ċivili fl-Asja Ċentrali. Il-bojkotts jew l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet stretti ħafna bbażati fuq il-progress mhumiex possibbiltà realistika. Is-sitwazzjoni hawnhekk tqabblet ma’ dik fil-Bjelorussja fejn, f’Jannar 2011, wara rewwixti b’segwitu tal-elezzjoni presidenzjali, 158 uffiċjal importanti ġew projbiti milli jivvjaġġaw lejn l-UE u l-kontijiet tal-banek fl-UE kollha tagħhom ġew ffriżati - eżempju li jeħtieġ li l-ħames pajjiżi jżommu quddiem għajnejhom.

5.4.4   Fl-Opinjoni tiegħu dwar “l-Ewropa Globali” (4) il-Kumitat ħeġġeġ li l-Kummissjoni tuża s-27 konvenzjoni (inklużi t-8 konvenzjonijiet qafas tal-ILO) li diġà huma elenkati mis-sistema attwali ta’ arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp u governanza tajba (GSP Plus) bħala bażi għall-ftehimiet ta’ kummerċ futuri tal-UE. Dan il-għan għandu jiġi ripetut f’dan il-każ bħala bażi għall-iżvilupp ta’ kummerċ usa’ u mhux relatat mal-enerġija mal-Asja Ċentrali, flimkien mal-miżuri ta’ għajnuna teknika relatata mal-kummerċ (TRTA), fejn ikun hemm bżonn, filwaqt li titħeġġeġ is-sħubija fid-WTO. Il-Kirgiżistan biss huwa membru tad-WTO però s-sħubija tiegħu fl-1998 issa titqies bħala prematura.

5.5   L-Appendiċi A tinkludi sommarju qasir tal-kwistjonijiet attwali b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem f’kull wieħed mill-ħames pajjiżi.

6.   Kwistjonijiet ambjentali

6.1   Il-GSP Plus) jinkludi konvenzjonijiet ambjentali ewlenin. Ta’ rilevanza partikolari għall-Asja Ċentrali huma l-kwistjonijiet relatati tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, is-sigurtà tal-ilma u l-provvista tal-enerġija, u l-UE tista’ taqdi rwol prinċipali biex tħeġġeġ lill-ħames pajjiżi jaħdmu flimkien biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b’mod olisitiku. L-Istrateġija tal-UE ma turix b’mod ċar kemm dawn il-kwistjonijiet huma relatati peress li l-kwistjoni tal-ilma hija indirizzata separatament kemm bħala parti mill-enerġija kif ukoll bħala parti mis-sostenibbiltà ambjentali u s-sigurtà tal-provvista tal-ikel hija indirizzata bħala problema maġġuri fiha nnifisha.

6.2   Fl-2008, il-FAO elenkat lit-Taġikistan bħala wieħed mis-17-il pajjiż fi “kriżi tal-ikel” – l-unika pajjiż fl-Asja. Is-sigurtà tal-ilma hija wkoll kwistjoni ta’ importanza fundamentali għar-reġjun b’mod ġenerali, kif juru t-tnaqqis fid-daqs tal-Baħar Aral, il-problemi dejjem jiżdiedu ta’ xmajjar li qed jisparixxu, u l-fatt li l-qoton huwa pjanta li tirrikjedi ħafna ilma. L-esperjenza tal-UE biex tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandha tgħin ukoll biex titrawwen aktar fiduċja u kunfidenza fl-Asja Ċentrali.

6.2.1   It-Taġikistan, flimkien mal-Kirgiżistan, għandu provvista tal-ilma kważi tul is-sena kollha (għalkemm ġestjoni ħażina u sistemi tad-distribuzzjoni bil-ħsara wasslu għal livell partikolarment għoli ta’ ħela u konsegwentement nuqqas ta’ ilma), filwaqt li l-ġirien tiegħu jbatu minn nuqqas ta’ ilma, b’mod partikolari l-Uzbekistan (li jiddependi ħafna minn ilma minn bnadi oħra għall-uċuħ tar-raba’ tar-ross u l-qoton li jirrikjedu ħafna ilma, u għax-xorb). It-Taġikistan għandu wkoll riżorsi limitati ħafna ta’ forom oħra ta’ enerġija, iżda jbati l-iktar minn nuqqas ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel. Jiddependi ħafna mill-ġirien tiegħu għall-provvisti tal-enerġija u tal-ikel.

6.2.2   Fl-2008, aktar minn 2 miljun persuna (aktar minn terz tal-popolazzjoni) kienet ikkunsidrata bħala f’pożizzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel u 0,75 miljun persuna bħala f’pożizzjoni ta’ “nuqqas sever ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel”. 64 % tal-popolazzjoni tinsab taħt il-livell tal-faqar; 7 % tal-art biss tintuża għal finijiet agrikoli.

6.2.3   Sfortunatament, l-Uzbekistan u t-Taġikistan ma kinux ġirien tajbin u dan wassal għal ċiklu vizzjuż ta’ deprivazzjoni u kontradeprivazzjoni peress li ġew imposti projbizzjonijiet ta’ esportazzjoni fil-qasam tal-enerġija u tal-ilma. Dawn il-projbizzjonijiet laqtu lill-provvisti tal-elettriku għall-użu domestiku, li f’Dushanbe kien disponibbli biss għal sagħtejn kuljum fi żminijiet ta’ kesħa kbira.

6.3   Din il-kriżi wriet kemm hija importanti strateġija olistika b’użu ambjentali tajjeb ta’ riżorsi naturali, it-tnaqqis tal-faqar u, qabel kollox, is-sigurtà tal-provvista tal-ikel biex jiġi promoss tkabbir ekonomiku sostenibbli fl-Asja Ċentrali b’mod ġenerali. Madankollu, il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-UE diġà hija involuta ħafna biex tgħin lit-Taġikistan u lill-ġirien tiegħu biex jindirizzaw kriżijiet bħal dawn.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p.82

(2)  Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej.

(3)  Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-unika rabta politika internazzjonali u istituzzjonali li tgħaqqad lill-Ewropa ma’ dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika.

(4)  COM(2006) 763 finali.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Mercosur: il-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata”

2011/C 248/09

Relatur: is-Sur ZUFIAUR

Nhar l-16 ta’ Settembru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Lejn Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Mercosur: il-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Marzu 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar il-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (sessjoni tal-15 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'89 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jqis li l-iffirmar – jekk jingħelbu l-ostakli eżistenti f'oqsma bħall-agrikoltura, il-proprjetà intellettwali u l-iżvilupp sostenibbli – ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (FA) bejn il-Mercosur u l-UE jista' joffri possibbiltajiet enormi u benefiċċji ta’ kull tip għaż-żewġ partijiet, f'kuntest ikkaratterizzat minn tibdil profond fir-rwol tal-partijiet interessati globali, l-isfidi dinjija ta’ natura ġeostrateġika, ambjentali, soċjali, enerġetika u ta’ governanza, u fir-rigward tal-bżonn li jsiru b'urġenza riformi fil-fond tal-mudell ta’ żvilupp li jirrappreżenta l-mezz biex tingħeleb kriżi sistematika mingħajr preċedent minn żmien il-kriżi tas-snin tletin tas-seklu li għadda.

1.2   Il-KESE jqis li Ftehim se jkun biss possibbli jekk ikun ibbilanċjat, jibbenefika liż-żewġ partijiet u ma jissagrifika lill-ebda settur (bħal dak agrikolu jew dak industrijali), reġjun jew pajjiż. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fl-ebda każ ma jista' jkun ibbażat fuq ftehim ħażin. F'dan il-kuntest jitlob lin-negozjaturi juru l-volontà politika neċessarja biex ikun jista' jintlaħaq Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u jimpenjaw ruħhom kemm jista' jkun sabiex jegħlbu d-differenzi li jaffettwaw b'mod speċjali l-pilastru bażiku tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, jiġifieri l-kwistjonijiet kummerċjali. Għal dan jitlob li jiġu użati l-formoli u l-mekkaniżmi kollha li jistgħu jkunu utli: ir-rikonoxximent tal-assimetriji, il-miżuri ta’ akkumpanjament u l-kumpens, l-istabbiliment ta’ eċċezzjonijiet, il-pjani ta’ żvilupp għall-appoġġ tas-setturi li huma l-iktar affettwati, il-promozzjoni tal-investimenti, il-politiki ta’ innovazzjoni, il-klawsoli ta’ kumpens, tranżitorji jew evoluttivi. Barra minn hekk, jeħtieġ li fil-miżuri ta’ akkumpanjament jiġu involuti l-politiki kollha tal-UE.

1.3   Jiġri x'jiġri l-KESE jħeġġeġ lin-negozjaturi u b'mod partikolari lill-Unjoni Ewropea, jikkunsidraw il-prezz politiku u ekonomiku tal-fatt li ma jintlaħaqx ftehim u l-opportunità li tintilef jekk jiġri dan.

1.4   Għall-KESE huwa essenzjali li l-FA jkun ambizzjuż u jkopri l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur. F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġu indirizzati l-ostakli reali li qed jiffaċċjaw in-negozji permezz tal-armonizzazzjoni tar-regolamenti u l-konsegwenzi fuq l-ostakli mhux kummerċjali. B'mod speċjali il-FA għandu jkollu dimensjoni soċjali, professjonali u ambjentali li taffettwa l-Ftehim kollu. Din id-dimensjoni għandha tiggarantixxi relazzjonijiet ekonomiċi konformi mal-għanijiet soċjali u ambjentali tal-ftehim u li ma jinjorawx ir-regoli u l-garanziji li jirregolaw l-iżvilupp sostenibbli. Għandha tirrifletti fl-istess waqt l-impenn tal-imsieħba fir-rigward tar-regoli fundamentali fil-qasam tad-drittijiet soċjali u professjonali, inklużi d-Dikjarazzjonijiet Internazzjonali, bħal dawk tal-ILO, li jistipulaw li l-ksur tal-prinċipji u d-drittijiet fix-xogħol ma jistgħux jintużaw bħala vantaġġ komparattiv leġittimu fil-kummerċ internazzjonali.

1.5   Il-KESE jitlob li kemm il-Forum Konsultattiv Ekonomiku u Soċjali (FKES) tal-Mercosur kif ukoll il-KESE stess, bħala korpi rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili taż-żewġ reġjuni, ikunu involuti fin-negozjati, fil-valutazzjonijiet ta’ impatt tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u fil-proposti li jitnisslu minn dawn (fil-fehma tal-KESE, huwa fundamentali li jiġi analizzat minn qabel l-impatt ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni potenzjali u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex wara jiġi vverifikat jekk twettqux u kif żviluppaw il-kwistjonijiet li jkunu inklużi fil-ftehim), kif ukoll fl-istabbiliment ta’ kapitlu speċifiku fi ħdan il-Ftehim li jirreferi għad-dimensjoni soċjali, professjonali u ambjentali, u li jieħdu sehem fil-ftehim permezz tal-ħolqien ta’ Kumitat Konsultattiv Konġunt li jkun magħmul miż-żewġ korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetajiet ċivili taż-żewġ partijiet (1).

2.   Introduzzjoni

2.1   In-negozjati bejn l-UE u l-Mercosur biex jiġi stabbilit Ftehim ta’ Assoċjazzjoni waqfu fl-2004 minħabba diverġenzi kbar bejn iż-żewġ partijiet dwar l-aċċess għas-swieq u l-istennijiet ta’ kull parti fir-rigward tar-riżultati taċ-Ċiklu ta’ Doha għall-Iżvilupp. F'kuntatti informali organizzati fl-2009 ġiet innutata bidla fil-pożizzjonijiet li wasslet liż-żewġ partijiet għall-konklużjoni li kien hemm possibbiltajiet ġodda ta’ fethim u b'hekk fis-Summit EU-LAC f'Mejju 2010 ġie deċiż li jerġgħu jitnedew in-negozjati. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kellu jkun wieħed ambizzjuż li jinkludi fid-dimensjoni kummerċjali tiegħu mhux biss il-merkanzija iżda wkoll is-servizzi, l-investimenti, il-kuntratti pubbliċi, il-proprjetà intellettwali (inklużi d-denominazzjonijiet ta’ oriġini), l-iffaċilitar tal-kummerċ, il-miżuri tas-saħħa u tas-saħħa tal-pjanti, il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, il-kompetizzjoni u l-għodda għall-protezzjoni tal-kummerċ.

3.   Potenzjal u opportunitajiet tal-FA

3.1   B'popolazzjoni ta’ iktar minn 700 miljun persuna u skambju kummerċjali ta’ iktar minn EUR 84,000 miljun fis-sena, Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur jippermetti t-twaqqif ta’ żona kbira ta’ integrazzjoni ekonomika, li jista' jkollha effetti pożittivi għaż-żewġ partijiet u toħloq “spill-overs” pożittivi, speċjalment għall-bqija tal-Amerika t'Isfel.

3.2   Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea flimkien jiffurmaw l-ewwel ekonomija dinjija u l-pajjiżi tal-Mercosur flimkien jirrappreżentaw waħda mis-sitt ekonomiji l-iktar b'saħħithom fid-dinja. Dan huwa wkoll reġjun ferm dinamiku, b'rata għolja ta’ tkabbir ekonomiku annwali fl-aħħar snin, li tilħaq is-7 % għall-Brażil, 9 % għall-Arġentina, l-Urugwaj u l-Paragwaj. Mill-banda l-oħra, il-Mercosur qed jibda jkollha bażi ekonomika ferm varjata, b'element agroalimentari qawwi, iżda wkoll b'bażi industrijali dejjem tikber li għandha riżorsi konsiderevoli tal-enerġija u t-teknoloġija.

3.3   L-Unjoni Ewropea hija l-ikbar imsieħeb soċjokummerċjali tal-Mercosur, qabel l-Istati Uniti. Fl-2010 l-Unjoni Ewropea importat mill-Mercosur b'madwar EUR 44,000 miljun u esportat b'madwar EUR 40,000 miljun. Ta' min jinnota li l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Mercosur diġà laħqu l-livell tal-esportazzjonijiet lejn l-Indja u jaqbżu l-esportazzjonijiet lejn il-Kanada u l-Korea t'Isfel. L-investimenti tal-UE fil-Mercosur jaqbżu lil dawk tal-UE fiċ-Ċina, l-Indja u r-Russja flimkien.

3.4   L-ekonomiji taż-żewġ partijiet huma fil-biċċa l-kbira komplementari, ħaġa li tidher biċ-ċar fit-tip ta’ skambju kummerċjali li hemm bejniethom. L-UE tesporta essenzjalment prodotti manifatturati, oġġetti kapitali, tagħmir tat-trasport u prodotti kimiċi, u timporta fuq kollox prodotti tal-ikel u tal-enerġija. Madankollu, l-iskambji qed jiżviluppaw b'mod rapidu, minn naħa u minn oħra: l-UE, pereżempju, żiedet l-esportazzjonijiet tagħha tal-prodotti agrikoli konsiderevolment u min-naħa tagħhom, fl-2007-2008 l-intrapriżi Brażiljani investew iktar fl-Ewropa minn dawk Ewropej fil-Brażil. Ftehim ta’ Assoċjazzjoni b'hekk ikollu potenzjal enormi ta’ ħolqien ta’ ġid.

3.5   Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Mercosur jippermetti lill-UE li ssaħħaħ ir-rabtiet ekonomiċi u ġeopolitiċi tagħha ma’ msieħeb strateġiku. Permezz ta’ ftehim bireġjonali, l-UE ser tersaq iktar viċin tal-kompetituri internazzjonali tagħha bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina. Barra minn hekk, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ser isaħħaħ l-Assoċjazzjoni Strateġika mal-Brażil – li teskludi l-qasam kummerċjali – pajjiż li huwa partikolarment rilevanti mil-lat ġeopolitiku tar-relazzjonijiet internazzjonali minħabba l-fatt li jifforma parti miż-żewġ mekkaniżmi prinċipali li jikkoordinaw l-interessi tal-ekonomiji emerġenti – il-BRICS u l-IBSA (2). Dan kollu ser iwassal għal integrazzjoni ikbar tal-Amerika t'Isfel fl-ewwel lok u fit-tieni lok tal-Amerika Latina, f'kontinent li għandu riżervi kruċjali tal-enerġija, l-ikel u l-ilma, tliet riżorsi li ser ikunu vitali fis-seklu 21. B'mod ġenerali, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jista' jikkontribwixxi biex itaffi l-iżvalutazzjoni eknomika u ġeopolitika tal-Atlantiku fil-konfront tal-Paċifiku.

4.   Ostakli u punti dgħajfa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

4.1   Il-vantaġġi indiskutibbli li jista' jġib miegħu Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur ma jeqirdux awtomatikament id-diffikultajiet impliċiti fi Ftehim ta’ din ix-xorta, li jistgħu jitqassru kif ġej: 1) il-kumplessità tal-aġenda ta’ negozjar, jiġifieri l-kontenut kummerċjali tal-Ftehim; 2) id-dgħufijiet strutturali li jaffettwaw l-integrazzjoni tal-Mecosur u li għandhom impatt fuq il-kummerċ ħieles; 3) id-dimensjoni soċjali u ambjentali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni; 4) il-livell ta’ volontà politika tal-imsieħba biex jilħqu l-Ftehim u b'konsegwenza ta’ dan, il-volontà li jużaw il-possibbiltajiet kollha tal-mekkaniżmi ta’ kumpens fi ħdan il-Ftehim u barra minnu, sabiex dan ikun jista' jintlaħaq. L-aħħar żewġ aspetti huma trattati speċifikament fil-punti 5 u 7 tal-opinjoni.

4.1.1   Fir-rigward tal-kwistjonijiet kummerċjali d-diffikultajiet huma identifikati pjuttost tajjeb. Mill-perspettiva Ewropea, dawn id-diffikultajiet huma kkonċentrati fis-settur agroalimentari tal-pajjiżi tal-Mercosur, hekk kif juru l-analiżi ta’ impatt reċenti tal-Kummissjoni (3). B'mod partikolari hemm il-biża' ta’ impatt negattiv qawwi f'setturi bħal dak taz-zokkor, il-laħam taċ-ċanga, tat-tiġieġ u tal-majjal, il-frott u l-ħxejjex. Huwa wkoll meqjus li hemm protezzjoniżmu eċċessiv għall-prodotti industrijali (karozzi, prodotti kimiċi) kif ukoll għal ċerti prodotti agrikoli proċessati (inkluż l-inbid); hemm ir-riskju li r-regoli ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini ma jiġux irrispettati; il-livell tal-eżiġenzi tar-regoli ta’ sigurtà tal-provvista alimentari u ta’ protezzjoni ambjentali huma relattivament baxxi; hemm nuqqas ta’ trasparenza sħiħa fil-kuntratti pubbliċi. Wara l-aħħar ċiklu ta’ negozjati l-pożizzjoni tal-partijiet interessati hija iktar favorevoli fir-rigward tal-ftehim f'suġġetti bħall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u l-kwistjonijiet marbutin mar-regoli tal-oriġini.

4.1.2   Mill-perspettiva tal-Mercosur, l-iktar punt rilevanti huwa wkoll l-agrikoltura. Fl-2004 l-Ewropa offriet – wara li ġew iffinalizzati l-perjodi ta’ transizzjoni – li tilliberalizza 86,25 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodotti agrikoli. Aktarx li din id-darba l-limitu tan-negozjati huwa ogħla. Il-possibbiltà li jiġu stabbiliti kwoti tiffaċilita n-negozjati. Min-naħa l-oħra, ir-riskji identifikati għas-setturi agrikoli u tat-trobbija tal-annimali Ewropej jistgħu jitnaqqsu jekk in-negozjati tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jinkludu l-eżiġenza ta’ rispett raġonevoli tal-istess standards – ambjentali, ta’ sigurtà tal-provvista tal-ikel, ta’ benesseri tal-annimali, eċċ. – kemm fil-produzzjoni Ewropea kif ukoll għall-importazzjonijiet mill-Mercosur. Mill-banda l-oħra, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni m'għandux iżid id-dipendenza tal-ikel fl-UE u għandu jinkludi l-istrumenti meħtieġa biex tiġi evitata l-agrikoltura intensiva u ftit li xejn sostenibbli. Fir-rigward tal-produzzjoni industrijali, fejn l-ostakli huma iżgħar, jidher li l-possibbiltà li jintlaħaq ftehim hija ikbar, hekk kif ġara pereżempju fil-Ftehim tal-UE mal-Korea t'Isfel fir-rigward tal-industrija tal-karozzi. Fl-aħħar, temi oħra, bħall-proprjetà intellettwali, li huma partikolarment sensittivi għal uħud mill-pajjiżi tal-Mercosur bħall-Brażil, jistgħu jkunu soġġetti għal klawsoli evoluttivi jew tranżitorji fuq il-bażi ta’ dak li ġie stabbilit fid-WTO. F'dan il-kuntest, il-KESE jqis li jista' jitfassal, fost inizjattivi oħra, programm dwar il-proprjetà industrijali li jistimola t-trasferiment tat-teknoloġija sabiex tinħoloq sistema ta’ brevetti valida bejn l-UE u l-Mercosur li tkun tista' tiġi estiża għar-reġjun tal-Amerika t'Isfel kollu kemm hu.

4.1.3   Il-KESE jqis li minkejja d-diffikultajiet, il-kundizzjonijiet huma aħjar minn dawk li kien hemm qabel biex jintlaħaq ftehim globali bbilanċjat li jkun tajjeb għaż-żewġ partijiet u li ma jiżvantaġġja lill-ebda settur, reġjun jew pajjiż (4).

4.2   Il-punti dgħajfa fl-istruttura tal-Mercosur storikament ħolqu problema konsiderevoli għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Fosthom ta’ min isemmi l-insuffiċjenza tan-netwerks u l-istrutturi komuni, f'territorju li huwa tliet darbiet ikbar minn dak tal-UE; il-livell baxx ta’ kummerċ interreġjonali (15 % fil-Mercosur, 45 % fin-NAFTA, 66 % fl-UE) u l-predominazzjoni tal-kummerċ extrareġjonali; unjoni doganali mhux kompluta; koordinazzjoni limitata tal-politiki makroekonomiċi; u d-dgħufija tal-istituzzjonijiet reġjonali.

4.2.1   F'dawn l-aħħar snin, fuq kollox mill-2003 lil hawn – bħala konsegwenza tad-dinamika li f'dak iż-żmien kienet tidher bħala possibbiltà imminenti li jiġi ffirmat ftehim bejn l-UE u l-Mercosur – il-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali tal-Mercosur tqawwa bil-kbir, b'inizjattivi bħall-inklużjoni ta’ politiki komuni f'oqsma bħall-enerġija, l-użu tar-riżorsi tal-gass u taż-żejt jew il-ħolqien ta’ infrastrutturi ta’ komunikazzjoni, l-istabbiliment ta’ politika komuni għas-settur tal-karozzi bejn l-Arġentina u l-Brażil, jew il-ħoqien ta’ Fond għall-Konverġenza Strutturali tal-Mercosur (FOCEM). Ġie wkoll approvat Pjan Strateġiku biex jingħelbu l-assimetriji fis-suq uniku u biex jiġu stabbiliti miżuri ta’ trattament preferenzjali u divrenzjat favur il-Paragwaj u l-Urugwaj.

4.2.2   Min-naħa tagħhom, fl-2000 il-gvernijiet tal-Mercosur ħolqu l-Grupp ta’ Monitoraġġ Makroekonomiku inkarigat mis-segwitu tal-parametri ta’ konverġenza markoekonomika u t-tfassil ta’ metodoloġiji komuni għall-użu tagħhom.

4.2.3   Dan kollu kkontribwixxa għall-espansjoni tal-kummerċ interreġjonali, għat-titjib tal-kwalità tal-produzzjoni tiegħu u għall-ksib ta’ flussi ġodda ta’ investiment barrani dirett.

4.2.4   F'dawn l-aħħar snin il-Mercosur kisbet dimensjoni politika iktar qawwija: ħolqot qrati ta’ arbitraġġ u reviżjoni, għaddiet minn segretarjat amministrattiv għal segretarjat tekniku, iffirmat Protokoll ta’ Drittijiet tal-Bniedem, ħolqot Parlament tal-Mercosur (PARLASUR) u nnominat l-ewwel Rappreżentat Ġenerali Għoli tagħha. Madankollu l-proċess ekonomiku ta’ integrazzjoni għadu dgħajjef, għad hemm ħafna kunflitti kummerċjali u l-istituzzjonalità għadha fil-bidu tagħha.

4.2.5   Ta' min isemmi b'mod speċjali l-fatt li fl-aħħar, f'Awwissu 2010, il-Mercosur approvat Kodiċi Doganali Komuni ġdid (bi kważi 200 artikolu), li jimplika t-tneħħija tat-tariffa esterna komuni (CET) doppja fuq il-prodotti li jiċċirkolaw minn pajjiż għal ieħor. Dan iġib miegħu l-obbligu li tiġi adottata politika kummerċjali komuni u li jiġu armonizzati elementi oħra bħall-iskemi speċjali ta’ importazzjoni jew l-istrumenti ta’ protezzjoni kummerċjali. Dan ser jitlob ukoll l-interkonnessjoni tas-sistemi informatiċi tal-ġestjoni doganali u l-ħolqien ta’ mekkaniżmu ġdid għall-ġbir u d-distribuzzjoni tad-dħul tas-CET. Progress bħal dan fl-unjoni doganali huwa fattur importanti ħafna biex jiġu ffaċilitati n-negozjati bejn l-UE u l-Mercosur.

4.2.6   Il-ksib ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jista' jaċċelera dan il-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika ikbar tal-Mercosur, ta’ regolazzjoni tas-suq intern tiegħu u ta’ tisħiħ tal-istituzzjonalità tal-grupp.

5.   L-impatt tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-miżuri ta’ kumpens

5.1   Fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea sar studju minn istituzzjoni esterna dwar l-impatt tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-UE u l-Mercosur, kemm fuq il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni globali kif ukoll fuq tliet setturi speċifiċi: l-agrikoltura, is-settur tal-karozzi u l-forestrija. Dan l-istudju janalizza kemm l-effetti pożittivi kif ukoll dawk negattivi possibbli tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u jipproponi miżuri u rakkomandazzjonijiet biex isaħħu l-effetti pożittivi u biex jipprevjenu jew inaqqsu kemm jista' jkun l-effett negattiv, kemm fil-qafas ġenerali tal-Ftehim kif ukoll f'dak tas-setturi analizzati.

5.2   Il-KESE jirrakkomanda li n-negozjaturi jikkunsidraw tali miżuri ta’ akkumpanjament kemm fil-kontenut kummerċjali tal-Ftehim kif ukoll permezz tal-element ta’ kooperazzjoni u ta’ programmi komuni bejn l-UE u l-Mercosur. Bl-istess mod, iqis li dawn jistgħu jkunu fost affarijiet oħra elementi li l-Forum ta’ Konsultazzjoni Ekonomiku u Soċjali tal-Mercosur u l-KESE jistgħu jintegraw fl-aġenda tat-talbiet tagħhom fil-proċess ta’ negozjar tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

5.3   Il-KESE jifhem li sabiex jiġi ffaċilitat il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dan jista' jinkludi klawsoli evoluttivi li jippermettu d-dħul iktar fil-fond u l-estensjoni ta’ ċerti suġġetti tal-ftehim bireġjonali fil-fażijiet ta’ wara.

5.4   Fil-fehma tal-KESE, il-valutazzjonijiet ta’ impatt għandhom jagħtu attenzjoni ikbar, minn banda, lill-parteċipazzjoni ta’ esperti u organizzazzjonijiet mill-pajjiż imsieħeb fil-Ftehim, u mill-banda l-oħra, lill-identifikazzjoni tar-riskji soċjali u ambjentali, riskji li bħalissa huma kkunsidrati bħala sempliċi supplement tal-valutazzjoni eknonomika (5), inklużi l-kwistjonijiet tal-konċentrazzjoni tal-ġid u tad-distribuzzjoni inugwali tiegħu li jista' jwassal għalihom il-Ftehim.

6.   Il-kwistjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

6.1   Fil-fehma tal-KESE, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur bejn l-UE u l-Mercosur għandu jinkludi b'mod orizzontali fil-Ftehim kollu, dimensjoni soċjali, professjonali u ambjentali bħala parti integrali ta’ ftehim immirat lejn l-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli fiż-żewġ gruppi ta’ pajjiżi. Tali dimensjoni tikkomplementa d-dimensjoni ekonomika u kummerċjali tal-FA.

6.1.1   Dan jaqbel mal-pożizzjonijiet uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti fl-UE u l-Mercosur (6) li jemmnu li l-liberalizzazzjoni tal-iskambji kummerċjali għandha tiġi akkumpanjata minn impenji u azzjonijiet fil-qasam soċjali u ambjentali.

6.1.2   F'dan l-ispirtu, il-KESE jemmen li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandu jistabbilixxi l-premessi soċjali u ambjentali li għandhom jiġu rispettati sabiex tkun tista' tinħoloq relazzjoni kummerċjali u ekonomika li tiffavorixxi l-koeżjoni ekonomika u soċjali, li tkun koerenti fil-qafas ta’ strateġija ta’ żvilupp sostenibbli u li ssaħħaħ il-kompetittività tan-nisġa produttiva lokali (SMEs, ekonomija soċjali u mikrointrapriżi) fid-dawl tal-kapaċità tagħha li toħloq l-impjiegi.

6.1.3   Il-KESE jinnota li d-dimensjoni soċjali u ambjentali taffettwa l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni b'mod globali. Il-KESE jemmen li l-element kummerċjali tal-Ftehim għandu jinkludi aspetti marbutin mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, soċjali u ambjentali, u jiddedika paragrafu speċifku lill-kwistjonijiet relatati mal-“kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli”, bħal:

l-esklużjoni mill-fluss kummerċjali ta’ prodotti miksuba illegalment (bħall-ħut u l-injam);

l-inklużjoni ta’ inizjattivi ta’ kummerċ ġust u responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi fil-programmi ta’ kummerċ u investiment;

it-teħid ta’ impenn favur is-superviżjoni perjodika tal-impatt tar-relazzjonijiet kummerċjali fuq il-kwistjonijiet soċjali u ambjentali;

l-esklużjoni ta’ deroga mil-liġijiet ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali bil-għan li jiġu evitati vantaġġi inġusti fil-kummerċ internazzjonali.

il-prevenzjoni tad-deforestazzjoni.

7.   L-elementi strateġiċi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Mercosur

7.1   Volontà politika soda hija essenzjali, l-ewwel nett biex il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jitfassal u jiġi promoss mhux biss bħala ftehim ta’ kummerċ ħieles iżda bħala ftehim strateġiku iktar globali, li jġib, liż-żewġ naħat, vantaġġi fuq perjodu twil fl-oqsma tal-iżvilupp, is-sigurtà, il-proċessi migratorji u l-isfidi ambjentali; it-tieni nett, sabiex jintużaw il-mekkaniżmi eżistenti kollha biex jiġu kkunsidrati l-assimetriji bejn iż-żewġ reġjuni, jitnaqqas l-impatt negattiv tal-liberalizzazzjoni għal ċerti setturi, jitneħħa d-distakk li għad hemm fil-proċess ta’ integrazzjoni tal-Mercosur u tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni soċjali u t-trasparenza bħala muftieħ tan-negozjati bireġjonali.

7.2   Il-FA jimplika opportunità kbira għall-ksib tal-objettivi strateġiċi globali li jinteressaw liż-żewġ reġjuni.

7.3   L-ewwel nett, dan joffri l-possibbiltà li jkun hemm preżenza politika u ekonomika internazzjonali f'kuntest fejn il-poter ekonomiku u politiku qiegħed jiċċaqlaq mill-Atlantiku għall-Paċifiku. Min-naħa tagħha, il-Mercosur la għandha ftehimiet mal-Istati Uniti u lanqas mal-potenzi Asjatiċi l-kbar, anke jekk iffirmat Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) maċ-Ċilì u mal-membri tal-Komunità Andina. Mill-banda l-oħra, qiegħda tiġi nnegozjata l-inklużjoni tal-Venezwela fil-Mercosur. Barra mir-reġjun tal-Amerika t'Isfel, hemm ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-Afrika t'Isfel, l-Indja, il-Pakistan, it-Turkija, l-Eġittu, il-Marokk u l-Israel. L-UE għandha ftehimiet bilaterali mal-Messiku, iċ-Ċilì, l-Amerika Ċentrali, il-Perù, il-Kolombja, l-Afrika t'Isfel, il-Karibew u l-Korea t'Isfel. Fi kliem ieħor, Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur jirriżulta fi blokk bireġjonali b'piż speċifiku kbir fix-xena dinjija l-ġdida.

7.3.1   Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ikun ferm importanti wkoll sabiex tinkiseb integrazzjoni ikbar fir-reġjun tal-Amerika Latina kollu. Il-Ftehim huwa attraenti ħafna għal raggruppamenti sottoreġjonali oħra mill-Amerika t'Isfel u mill-Karibew, kif ukoll għal pajjiżi bħall-Messiku u ċ-Ċilì. “Alleanza strateġika” bejn iż-żewġ reġjuni – bejn is-27 Stat Membru tal-UE u t-33 pajjiż tal-Amerika t'Isfel u l-Karibew – ikollha piż konsiderevoli fl-organizzazzjonijiet multilaterali. Bl-istess mod, dan il-Ftehim ikabbar il-kapaċità ta’ influwenza fil-G-20, li fih huma msieħba tliet pajjiżi tal-Amerika Latina (il-Brażil, il-Messiku u l-Arġentina) u ħames pajjiżi Ewropej (il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, l-Italja u Spanja) kif ukoll l-UE stess.

7.3.2   Fl-aħħar, permezz tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Mercosur l-UE tista' ssib imsieħeb strateġiku biex tilħaq l-objettiv tagħha li tmexxi l-promozzjoni tal-protezzjoni tal-ambjent madwar id-dinja. Illum l-ambjent huwa wieħed mill-iktar suġġetti importanti għall-pajjiżi, iċ-ċittadini u s-sistema multilaterali. L-UE tinsab fuq quddiem tal-politiki u t-teknoloġiji l-ħodor. Għall-Amerika t'Isfel u b'mod speċjali għall-Mercosur, ir-riżorsi naturali jirrappreżentaw wieħed mill-ikbar vantaġġi, iżda r-reġjun huwa wkoll wieħed mill-iktar reġjuni mhedda mit-tibdil fil-klima, fost affarijiet oħra, minħabba ċerti prattiki tal-agrikoltura intensiva.

7.3.3   Sabiex dan l-objettiv ikollu appoġġ suffiċjenti, ser ikun hemm bżonn li jiġi integrat element qawwi ta’ “enerġija, l-ambjent, ix-xjenza u t-teknoloġija u l-innovazzjoni”. Dawn it-temi għandhom ikunu prijoritarji fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Is-sitt programm qafas tar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku tal-UE diġà wettaq bosta proġetti mal-membri tal-Mercosur. F'din l-okkażjoni jkun utli li din il-kollaborazzjoni tifforma parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Il-fondi sostanzjali disponibbli taħt is-seba' Programm Qafas – EUR 50000 miljun – jistgħu jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għal dan.

8.   Is-soċjetà ċivili u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni

8.1   Il-KESE jqis li n-natura interreġjonali tan-negozjati u tal-kontenut tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huma element fundamentali u divrenzjat ta’ dawn in-negozjati u punt ta’ referenza għar-relazzjonijiet ekonomiċi f'dinja dejjem iktar miftuħa għall-iskambji kummerċjali.

8.2   Il-KESE jtenni l-prinċipji ta’ trasparenza u parteċipazzjoni, kemm fil-proċess ta’ negozjar kif ukoll fl-iżvilupp tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. F'dan ir-rigward, jitlob li jingħata informazzjoni sinifikanti waqt il-proċess ta’ negozjar u aċċess għan-negozjanti f'ħin reali sabiex ikun jista' jippreżentalhom il-proposti tal-FKES u l-KESE.

8.3   Bl-istess mod, il-KESE jitlob li jiġi involut fit-tfassil ta’ valutazzjoni ta’ impatt sabiex ikun jista' jagħti rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri orjentati lejn it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-impatti negattivi tal-proċess tal-liberalizzazzjoni kummerċjali. Huwa jitlob li jiġi stabbilit, ladarba jkun ġie ffirmat il-Ftehim, Osservatorju ta’ natura teknika sabiex jiġu analizzati b'mod permanenti l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u jiġu proposti miżuri konkreti.

8.4   B'koerenza mal-pożizzjonijiet konġunti tal-KESE u tal-FKES – u tal-ftehimiet anitiċipati stess imwettqa matul in-negozjati ta’ qabel l-2004 – il-KESE jitlob li jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv Konġunt tas-soċjetà ċivili fi ħdan il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, bl-istess għadd ta’ membri mill-KESE u mill-FKES u b'funzjonijiet konsultattivi li jkopru s-suġġetti kollha tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, inklużi l-kapitlu kummerċjali u s-segwitu tal-kwistjonijiet marbutin mal-iżvilupp sostenibbli.

8.5   Il-KESE jqis li l-inklużjoni ta’ dimensjoni soċjali fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni hija importanti ħafna, b'koerenza ma’ FA li jmur lil hinn mill-aspetti kummerċjali tiegħu u li għandu l-objettiv globali li jkabbar il-koeżjoni soċjali. Dan jgħodd fuq kollox għall-impatt tal-Ftehim fuq l-impjieg, il-ħarsien tal-interessi tal-popolazzjonijiet lokali u ta’ dawk l-aktar żvantaġġati, il-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni ambjentali, id-drittijiet tal-immigranti u tal-ħaddiema b'mod ġenerali. F'dan ir-rigward għandhom jiġu inklużi d-dikjarazzjonijiet internazzjonali, bħal dawk tal-ILO, li jistqarru li l-ksur tal-prinċipji u d-drittijiet fundamentali fix-xogħol ma jistax jiġi użat bħala vantaġġ komparattiv leġittimu fil-kummerċ internazzjonali. B'hekk il-Ftehim futur jiġġenera impjiegi ta’ kwalità, itejjeb il-kundizzjonijiet soċjali tal-ħaddiema u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jittejjeb it-tqassim tal-ġid.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara d-Dikjarazzjoni ta’ Asuncion dwar in-negozjati għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Mercosur, iffirmata mill-FKES u l-KESE fit-22 ta’ Marzu 2011: http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/2011_decl_es.pdf

(2)  BRIC: Brażil, Russja, Indja, Ċina. IBSA: Indja, Brażil, Afrika t'Isfel.

(3)  Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, April 2011.

(4)  Hekk kif stqarrew il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern miġbura fis-Summit UE-Mercosur ta’ Mejju 2010.

(5)  “Il-Valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS) u l-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea”, E. Pichenot (ĠU C 218, 23.7.2011, p.14-18).

(6)  Dikjarazzjoni ta’ Buenos Aires tal-Ministri u l-Awtoritajiet tal-Iżvilupp Soċjali tal-Mercosur, ta’ Lulju 2006. Kunsilli Ewropej ta’ Frar tal-2005 u tal-2006.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/60


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-djalogu interkulturali u r-Roma: ir-rwol ewlieni tan-nisa u tat-trobbija u l-edukazzjoni” (opinjoni addizzjonali)

2011/C 248/10

Relatur: is-Sinjura SIGMUND

Nhar l-24 ta’ Frar 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(a) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jfassal opinjoni addizzjonali dwar

Id-djalogu interkulturali u r-Roma: ir-rwol ewlieni tan-nisa u tat-trobbija u l-edukazzjoni

Opinjoni addizzjonali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’127 vot favur u 2 voti kontra.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fir-rigward tal-proposti li ġejjin, il-Kumitat jieħu l-aħħar sentenza tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ April 2011 (1) bħala l-bażi tad-diskussjoni.

1.2

Huwa jenfasizza li minn issa ’l quddiem m’għandhomx jitfasslu iktar strateġiji għar-Roma u m’għandhomx isiru iktar analiżi dwar ir-Roma, iżda għandhom pjuttost jittieħdu passi konkreti mar-Roma u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom.

1.3

Il-Kumitat huwa lest li, fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu, jieħu sehem f’dawn il-miżuri f’kollaborazzjoni stretta mal-organizzazzjonijiet tar-Roma (pereżempju seduti, seminars, eċċ.).

1.4

Il-Kumitat ser jiżviluppa r-relazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-istrutturi attivi f’dan il-qasam u jara li flimkien jimxu ’l quddiem (2).

1.5

Il-Kumitat iqis lid-djalogu interkulturali bħala strument adatt għall-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tar-Roma, kemm fir-rigward tar-rwol tan-nisa Roma f’dan il-proċess kif ukoll fil-qasam tat-trobbija tat-tfal u l-edukazzjoni.

1.6

Il-Kumitat ser jeżamina l-possibbiltajiet – ukoll fil-qafas tan-netwerk tiegħu – biex jieħu sehem f’inizjattivi lokali jew biex jorganizza inizjattivi ta’ dan it-tip huwa stess.

2.   Sfond u approċċ

2.1

Fl-opinjoni esploratorja tad-9 ta’ Lulju 2008 (3) il-KESE ressaq għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għal integrazzjoni rapida tal-minoranza Roma fl-Ewropa. Irrakkomanda approċċ bidirezzjonali – miftiehem bejn l-Unjoni u l-Istati Membri – fir-rigward tat-trobbija tat-tfal Roma u l-edukazzjoni tagħhom – u ħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta strateġija komprensiva u tiffinanzja kampanja ta’ sensibilizzazzjoni. Kontribut attiv tar-rappreżentanti Roma fil-proċess ġie kkunsidrat bħala l-unika triq ’il quddiem.

2.2

Il-Kummissjoni Ewropea (4) approvat dan l-approċċ u stqarret li hekk kif ġie enfasizzat mill-KESE (5), “ir-razzjonalizzazzjoni tal-kwistjonijiet tar-Roma fil-politiki kollha rilevanti Ewropej u nazzjonali hija l-aktar mod promettenti biex tintlaħaq l-inklużjoni”.

2.3

Din l-opinjoni addizzjonali hija bbażata fuq il-prinċipju tad-djalogu interkulturali li jsostni li ż-żewġ naħat – f’dan il-każ il-minoranza Roma fl-Ewropa u l-bqija tal-popolazzjoni Ewropea – irid ikollhom djalogu liberu u ħieles mill-preġudizzji. Dan id-djalogu interkulturali jitlob li jiġu indirizzati kemm il-punti komuni kif ukoll id-differenzi fit-tradizzjonijiet u l-istil tal-ħajja, sabiex ikun hemm fehim aħjar tar-realtà u sabiex jitfasslu soluzzjonijiet fattibbli.

2.4

F’termini ta’ kontenut, din l-opinjoni tiffoka fuq it-trobbija u l-edukazzjoni, l-ewwel pilastru tal-integrazzjoni (6) u dak li l-KESE jqis bħala l-iktar importanti; fl-istess kuntest, l-opinjoni tiddiskuti wkoll ir-rwol speċjali tan-nisa għall-integrazzjoni tar-Roma.

2.5

Il-Kumitat jappoġġja l-Istrateġija tal-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Roma, b’mod speċjali l-għaxar objettivi stabbiliti mill-pjattaforma tal-2009 għall-inklużjoni tar-Roma (7).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Wieħed mill-islogans attwali tal-proġett ta’ integrazzjoni Ewropew huwa “L-unjoni fid-diversità”. b’rabta ma’ dan ir-Roma huma eżempju impressjonanti tad-diversità kulturali fl-Ewropa, u dan l-aspett ikompli jissaħħaħ mill-fatt li r-Roma (8) jinkorporaw diversi identitajiet kulturali (9).

3.2

Fl-1999 (10) il-Kumitat adotta definizzjoni estiża tal-kultura, li minbarra l-arti, it-tradizzjoni u l-wirt kulturali tinkludi wkoll, fost affarijiet oħra, it-trobbija, l-edukazzjoni, ix-xjenza u r-riċerka. Għaldaqstant, it-trobbija u l-edukazzjoni huma ta’ rilevanza partikolari għad-djalogu interkulturali, speċjalment mar-Roma.

3.3

Kontra r-rifjut tal-multikulturaliżmu (11), il-Kumitat isostni li l-istqarrijiet huma kultant korretti iżda ambigwi billi m’humiex applikabbli għall-Komunità Ewropea, li hija magħquda b’“kultura prinċipali” (12) komuni.

3.4

Fil-qafas ta’ din il-viżjoni tal-kultura bħala appartenenza komuni għal prinċipji komuni, il-Kumitat isostni li l-identità Ewropea hija fuq kollox identità kulturali, hekk kif ikkonfermat mill-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fl-hekk imsejħa “klawsola tal-prinċipji”. Id-djalogu interkulturali b’hekk huwa l-istrument adatt biex isir kontribut fit-tul għall-integrazzjoni ġenerali u tar-Roma b’mod partikolari. Fil-fehma tal-Kumitat għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kunċett tat-tolleranza.

3.5

It-tolleranza tfisser id-dritt li wieħed ikun differenti kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-eżerċitar ta’ dan id-dritt kif ukoll fl-aċċettazzjoni tiegħu. Dan huwa daqstant importanti għar-Roma u għal ħaddieħor. Iżda t-tolleranza għandha wkoll tifsira fundamentali addizzjonali fid-djalogu interkulturali: hija ma tikkonċernax biss is-soluzzjoni tal-konflitti bejn l-istandards attwali, iżda titlob ukoll ċerta sensittività għal stili oħra ta’ ħajja u b’hekk toħloq l-empatija neċessarja għall-ħajja f’komunità.

3.6

L-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Parlament Ewropew dwar it-titjib tal-pożizzjoni tar-Roma (13) huma strumenti eċċellenti biex jinħolqu bażi ta’ azzjoni u programmi legali u politiċi; iżda huma per se miżuri top down, li mingħajr l-inizjattivi bottom up korrispondenti li jridu jitfasslu mis-soċjetà ċivili, u jekk ikun hemm bżonn bl-appoġġ tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali, ma jistgħux jiksbu s-suċċess mixtieq.

3.7

Għal din ir-raġuni l-Kumitat jilqa’ l-iktar Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni, jappoġġja b’mod speċjali l-istqarrija li saret fiha dwar il-bżonn ta’ azzjoni u jenfasizza li dan il-bżonn ta’ azzjoni ma jikkonċernax biss lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali iżda wkoll u b’mod speċjali lis-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat.

3.8

S’issa ntefqu ammonti sustanzjali ta’ fondi Ewropej u internazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, iżda wara ġie stabbilit li s-suċċess tal-inizjattivi ma kienx marbut mal-ammont tal-kontributi. Fil-fehma tal-Kumitat dan huwa marbut ukoll mal-fatt li fil-livell Komunitarju kien u għad hemm bosta inizjattivi, konferenzi u proġetti dwar it-tema, iżda li ħafna drabi dawn – ukoll minħabba nuqqas ta’ inklużjoni suffiċjenti tar-Roma kkonċernati u l-organizzazzjonijiet tagħhom fil-livell lokali – għandhom suċċess fil-kontenut tagħhom iżda jibqgħu insodisfaċenti fir-rigward tal-konkretizzazzjoni tal-miżuri rrakkomandati.

3.9

Fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu, il-Kumitat jixtieq jikkontribwixxi jiġi eliminat dan in-nuqqas ta’ rabta bejn il-proposti strateġiċi tajbin u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tattiċi korrispondenti. Għalhekk ser juża l-funzjoni tiegħu ta’ pont bejn iċ-ċittadini u bl-għajnuna tan-netwerks u l-organizzazzjonijiet tal-membri tiegħu jieħu sehem f’avvenimenti lokali li jgħinu biex jiġi żgurat li jkun hemm volontà ikbar biex jiġu aċċettati s-servizzi disponibbli u biex jinżammu l-impenji.

4.   Ir-rwol tan-nisa Roma

4.1

Diversi rapporti juru li fil-familji Roma t-trobbija tat-tfal fl-età preskolari b’mod ġenerali hija f’idejn l-ommijiet (14), filwaqt li wara li jibdew l-iskola l-missirijiet jieħdu ħsieb it-trobbija wkoll. It-trobbija tal-bniet ġeneralment tibqa’ f’idejn l-ommijiet anke wara l-bidu tal-iskola. Billi l-iktar fażi importanti għat-tfal hija l-età preskolari, huwa importanti ħafna għat-tfal li jiġu ppreparati għall-iskola diġà d-dar. Għalhekk hemm bżonn ta’ miżuri biex jitqanqal l-interess tal-ommijiet għall-importanza tat-trobbija u l-edukazzjoni tat-tfal, speċjalment tal-bniet, u li jitħeġġu jippreparaw lit-tfal tagħhom għall-iskola b’mod konkret.

4.2

Iżda dawn il-miżuri jistgħu biss jirnexxu jekk l-offerta tas-servizzi (b’mod speċjali fil-livell lokali) tqis id-diversi tradizzjonijiet. Dan jinkludi l-obbligu tal-istrutturi pubbliċi li joffru programmi ta’ taħriġ adatti u li jevitaw is-segregazzjoni.

4.3

Barra minn hekk ser ikun hemm bżonn ta’ programmi dwar il-komunikazzjoni tal-kompetenzi u l-għarfien (“capacity building”) li jgħinu lin-nisa Roma jaqdu dawn ir-rwol importanti fil-prattika.

4.4

Fil-familji tradizzjonali Roma, diversi ġenerazzjonijiet jgħixu fl-istess dar; in-nanniet għandhom influwenza wkoll fuq it-trobbija tat-tfal u f’ħafna każijiet huma saħansitra iktar influwenti mill-ġenituri. Għalhekk huwa importanti li n-nanniet jiġu inklużi wkoll fl-inizjattivi, billi għandhom jagħtu eżempju lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

4.5

Jekk jirnexxielna nużaw il-potenzjal tan-nisa Roma fit-tiswir tal-ġejjieni tat-tfal tagħhom, jintlaħaq ukoll għan addizzjonali: miżuri u inizjattivi konkreti bħal dawn jikkontribwixxu biex jinqerdu l-istereotipi dwar in-nisa Roma. Wisq drabi dawn huma ttrattati bħala oġġetti, vittmi ta’ diskriminazzjoni, vjolenza domestika u trattament ħażin ieħor jew nuqqas ta’ rispett. Ovvjament dawn l-aspetti huma importanti u m’għandhomx jiġu injorati. Bl-istess mod huwa ovvju li jridu jittieħdu l-miżuri adatti kontra problemi bħal dawn. Madankollu l-Kumitat jemmen ukoll li huwa importanti li jintwera r-rwol attiv li għandhom in-nisa Roma fil-komunità tagħhom u l-importanza tagħhom bħala persuni attivi – parteċipanti f’dan id-djalogu interkulturali – lil hinn mill-komunità tagħhom.

4.6

Il-Kumitat ser jappoġġja l-inizjattivi li juru dan ir-rwol tan-nisa Roma u li jikkontribwixxu kemm jista’ jkun biex in-nisa Roma jkollhom aċċess għall-informazzjoni u l-għodda li jgħinuhom jifhmu r-rwol tagħhom fl-integrazzjoni tal-familji tagħhom.

4.7

Għalhekk meta jkun possibbli l-Kumitat ser jieħu sehem f’avvenimenti lokali, mhux biss biex jippromovi t-tixrid tal-informazzjoni konkreta iżda wkoll biex iħeġġeġ lil ħaddieħor jipparteċipa f’dawn l-avvenimenti.

5.   It-trobbija u l-edukazzjoni

5.1

L-għan huwa li tinkiseb l-integrazzjoni soċjali ta’ gruppi żvantaġġati tal-komunità Roma, mingħajr ma jkollhom jitilfu l-identità kulturali tagħhom. Edukazzjoni tajba hija importanti għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett, l-edukazzjoni taċ-ċittadini tista’ u għandha tipprovdi liċ-ċittadini bi prinċipji fundamentali komuni, li jippermettu li gruppi etniċi differenti jgħixu flimkien. Prinċipju ta’ dan it-tip huwa l-ftuħ fir-rigward ta’ kulturi oħra. It-tieni nett, l-edukazzjoni fiha nnifisha tista’ tkun strument ta’ integrazzjoni importanti, billi tirrappreżenta interazzjoni bejn kulturi differenti. Qatt mhu tard wisq biex wieħed jikseb għarfien u kapaċitajiet ġodda, iżda huwa importanti li edukazzjoni tajba tibda kemm jista’ jkun kmieni fil-ħajja. Li t-tfal ikollhom stampa pożittiva tagħhom innifishom u kunfidenza fir-rwol tagħhom fi grupp kbir jew fis-soċjetà huma l-muftieħ għas-suċċess iktar tard fil-ħajja.

5.2

Il-miżuri u l-politiki għandhom ifittxu li joffru aċċess ugwali għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja għar-Roma u għall-minoranzi l-oħra u li jiggarantixxu li l-għan aħħari jkun li jiġu pprovduti bil-kompetenzi meħtieġa fis-suq tax-xogħol, inklużi l-kompetenzi soċjali. Dawn il-persuni għandhom ikunu f’pożizzjoni li jmexxu ħajjithom b’mod awtonomu u li jġibu ruħhom bħala ċittadini responsabbli li jafu x’inhuma d-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u li huma f’pożizzjoni li jeżerċitawhom.

5.3

In-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol m’huwiex biss problema soċjali iżda għandu wkoll konsegwenzi finanzjarji konsiderevoli. Għalhekk, filwaqt li l-infiq fl-edukazzjoni jirrappreżenta spiża, dan l-infiq għandu jiġi kkunsidrat bħala investiment fil-ġejjieni iktar milli bħala spiża.

5.4

Fil-qafas tal-programm tiegħu għat-trobbija u l-edukazzjoni tat-tfal Roma, il-Kunsill tal-Ewropa qiegħed imexxi programm ta’ taħriġ għall-medjaturi u l-assistenti fl-iskejjel, li fih hija involuta wkoll il-Kummissjoni. Il-Kumitat huwa lest li, fil-qafas ta’ kollaborazzjoni istituzzjonali futura f’dan il-qasam, jieħu r-rwol ta’ intermedjarju. b’hekk, pereżempju l-kanali ta’ komunikazzjoni eżistenti tiegħu jistgħu jintużaw għat-tixrid tal-programm u tar-riżultati tiegħu jew biex jiġu ppreżentati eżempji ta’ prattika tajba fil-pajjiżi li għadhom mhux imsieħba fil-proġett tal-Kunsill tal-Ewropa.

5.5

b’rabta ma’ dan, huwa magħruf li r-rata tat-tluq antiċipat mill-iskola hija ogħla fost it-tfal Roma milli fost it-tfal l-oħra (15); għalhekk huwa importanti li flimkien mal-awtoritajiet kompetenti wieħed jirrifletti dwar miżuri għat-titjib ta’ din is-sitwazzjoni.

6.   L-edukazzjoni: eżempji fil-livell nazzjonali

6.1

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE għandhom liġijiet stretti kontra d-diskriminazzjoni u favur l-ugwaljanza, bil-għan li jikkonformaw mal-istandards Ewropej. b’xorti ħażina, xorta waħda hemm ħafna diskriminazzjoni fil-livell lokali u l-liġijiet nazzjonali ħafna drabi ma jkollhomx mekkaniżmi għall-proċeduri tal-ilment u t-tneħħija tal-prattiki diskriminatorji meta dak li jkun iħossu vittma tad-disriminazzjoni. Ta’ min jinnota wkoll li monitoraġġ dgħajjef ifisser li pajjiż jista’ jeħlisha b’bidliet żgħar li saħansitra jaggravaw is-segregazzjoni.

6.2

Iżda dan ma jfissirx li l-ebda Stat Membru tal-UE m’huwa favur disponibbiltà mtejba ta’ ċerti drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt għall-edukazzjoni għal ċerti ċittadini Roma, jew li l-ebda sistema legali nazzjonali m’hija fil-pożizzjoni li tipproteġi d-drittijiet tar-Roma. Ċerti qrati lokali jew nazzjonali kkonkludew li l-prattiki ta’ segregazzjoni kontra t-tfal Roma jirrappreżentaw ksur tal-liġijiet nazzjonali kontra d-diskriminazzjoni. Fl-2004 – qabel ma l-Bulgarija saret Stat Membru tal-UE – il-qorti tad-distrett ta’ Sofia esprimiet ruħha kontra l-Ministeru Bulgaru tal-Edukazzjoni, l-amministrazzjoni komunali u r-rappreżentanti tal-iskejjel, u stqarret li s-segregazzjoni kienet qed tiċħad lit-tfal Roma mid-dritt tagħhom għal edukazzjoni ugwali (16). Madankollu sentenzi bħal dawn huma biss reazzjoni għal każijiet speċifiċi u ma jwasslux neċessarjament biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jbiddlu l-prattiki diskriminatorji tagħhom li donnhom huma parti integrali tas-sistemi edukattivi ta’ ħafna pajjiżi Ewropej.

6.3

L-Ungerija wriet impenn politiku konsiderevoli u użat ammont sustanzjali ta’ riżorsi biex tappoġġja t-titjib tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Roma tagħha. L-edukazzjoni tinsab fil-qalba ta’ dan (17). L-inizjattivi ta’ integrazzjoni tal-Ungerija huma kkaratterizzati b’mod speċjali mill-fatt li huma jiġu implimentati fil-qafas tal-politika edukattiva ġenerali. F’pajjiżi bħar-Rumanija u l-Bulgarija min-naħa l-oħra, l-integrazzjoni saret iktar każ b’każ u mhux b’mod globali (18). Iżda l-approċċ Ungeriż għandu wkoll l-iżvantaġġi tiegħu, billi għad hemm ċerti konflitti fi ħdan il-politika tal-edukazzjoni kif ukoll bejn il-miżuri tal-politika tal-edukazzjoni u dawk tal-politika tas-saħħa, il-politika soċjali u dik tal-akkomodazzjoni b’impatt fuq l-edukazzjoni. Dan il-potenzjali għal tali konflitt għandu jiġi rikonoxxut u kkunsidrat mill-pajjiżi kollha.

6.4

Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-mudell Ġermaniż tat-trobbija interkulturali u tat-tagħlim interkulturali (tagħlim komuni għal persuni minn sfond etniku differenti (19).

7.   Sommarju

7.1

Fil-kuntest tal-isforzi li saru għal integrazzjoni mtejba tar-Roma, hija ħasra li l-approċċ Komunitarju għall-integrazzjoni jirreferi esklużivament għall-persuni minn pajjiżi terzi u m’huwiex applikabbli għar-Roma, li huma diġà ċittadini tal-Unjoni b’mod ġenerali.

7.2

Huwa ferm importanti wkoll li nżommu f’moħħna li r-Roma – fit-teorija – għandhom igawdu mid-drittijiet u d-drittijiet fundamentali marbutin maċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Ovvjament, ir-Roma għandhom jirrispettaw l-obbligi tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni u l- ksur ta’ dawn l-obbligi għandu jkollu konsegwenzi legali, iżda min-naħa l-oħra l-mekkaniżmu ta’ sanzjoni għandu wkoll jiġi applikat meta d-drittijiet tagħhom imsemmija hawn fuq ma jiġux irrispettati.

7.3

Il-Kumitat jerġa’ jenfasizza kemm huwa importanti fil-fehma tiegħu li jkun hemm djalogu interkulturali mar-Roma. Huwa jemmen li djalogu huwa dejjem proċess interattiv, mibni fuq l-ugwaljanza tal-imsieħba u li jiffaċilita l-parteċipazzjoni. Fi ħdan djalogu interkulturali jistgħu jinqerdu l-preġudizzji u tista’ tinbena l-fiduċja. Għall-Kumitat, it-tneħħija tal-preġudizzji u l-istereotipi fuq iż-żewġ naħat hija kondizzjoni essenzjali sabiex ikunu jistgħu jittieħdu passi konkreti għat-titjib tal-ħajja f’komunità u l-opportunitajiet ugwali. It-Trattat ta’ Lisbona ta opportunitajiet ġodda lill-Kumitat fil-qasam tal-ħolqien ta’ strutturi għad-djalogu ċivili. Fl-applikazzjoni ta’ dawn il-kompiti, il-Kumitat ser jimpenja ruħu b’mod attiv biex id-djalogu interkulturali mar-Roma jiżviluppa fid-direzzjoni t-tajba.

Brussel, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  “Issa huwa ż-żmien biex l-intenzjonijiet tajba jinbidlu f’azzjonijiet iktar konkreti.” (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020”, COM(2011) 173 finali).

(2)  Ara l-Appendiċi: “Inizjattivi, programmi u studji” (http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/SOC337_additional-info.pdf).

(3)  KESE – Opinjoni esploratorja “L-integrazzjoni tal-minoranzi – ir-Roma”, punt 5.3 (ĠU C 27, 3.2.2009, p.88).

(4)  Komunikazzjoni “L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa”, COM(2010)133 finali.

(5)  KESE – Opinjoni esploratorja “L-integrazzjoni tal-minoranzi – ir-Roma”, punt 5.3 (ĠU C 27, 3.2.2009, p.88).

(6)  Fil-qafas tal-erba’ objettivi ta’ integrazzjoni ewlenin imfassla mill-Kummissjoni: aċċess għall-edukazzjoni, dritt għal impjieg, aċċess għall-kura tas-saħħa, dritt għall-akkomodazzjoni u marbut ma’ dan il-kura bażika għall-finijiet ta’ akkomodazzjoni.

(7)  

1.

Politiki kostruttivi, prammatiċi u nondiskriminatorji

2.

Aproċċ immirat b’mod espliċitu iżda mhux esklużiv

3.

Approċċ interkulturali

4.

Il-mira għall-integrazzjoni ġenerali

5.

Attenzjoni għall-aspett tal-ġeneru

6.

Tixrid tal-politiki bbażat fuq l-evidenza

7.

Użu tal-istrumenti Komunitarji

8.

Parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali

9.

Parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili

10.

Parteċipazzjoni attiva tar-Roma

(8)  Fis-sens tad-definizzjoni kollettiva komuni tar-Roma, Sinti, Fahrende, Kalé, eċċ.

(9)  Ara l-opinjoni tal-KtR – CdR 178/2010 fin.

(10)  KES – Opinjoni “Ir-rwol u l-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata fil-proġett ta’ integrazzjoni Ewropew”, ĠU C 329, 17.11, 1999, punt 5.2.1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  Il-mudell tas-soċjetà multikulturali m’għandux valuri globali komuni u huwa essenzjalment ikkaratterizzat minn agglomerazzjoni ta’ gruppi li jgħixu flimkien.

(12)  Ara “Europa ohne Identität? Die Krise der multikulturellen Gesellschaft” (L-Ewropa mingħajr identità? Il-kriżi tas-soċjetà multikulturali), Goldmann Verlag, p. 181 by Bassam Tibi, Professor Emeritus, University of Göttingenta’ Bassam Tibi Prof. Emeritus tal-Università ta’ Göttingen.

(13)  Ara l-Appendiċi: “Inizjattivi, programmi u studji” (http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/SOC337_additional-info.pdf); il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-programm qafas tal-UE għall-istrateġiji ta’ integrazzjoni tar-Roma sal-2020 (COM(2011) 173 fin) jew ir-rapport tal-MEP Livia Járóka dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma (2010/2276(INI)) (http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+REPORT+A7-2011-0043+0+DOC+XML+V0//MT)

(14)  Konferenza “Jiena mara Roma Ewropea”, 11-12 ta’ Jannar 2010, Ateni.

(15)  Roma Education Fund, Country asessments: http://www.romaeducationfund.hu/publications/country-assessments; Open Society Institute, No Data - No Progress, Country Findings, Awwissu 2010: http://www.romadecade.org/files/downloads/General%20Resources/No%20Data%20No%20Progress%20Country%20Findings.pdf

(16)  Ara http://www.errc.org/cikk.php?cikk=2411&archiv=1

(17)  Ara bħala referenza ġenerali: KEZDI, G. & SURANYI, E., “A Successful School Integration Program”, Roma Education Fund Working Paper No. 2, 2009: http://www.romaeducationfund.hu/sites/default/files/publications/a_succesful_school_integration_kezdi_suranyi.pdf

(18)  Ara bħala referenza ġenerali: European Roma Rights Centre “The Impact of Legislation and Policies on School Segregation of Romani Children: A Study of Anti-Discrimination Law and Government Measures to Eliminate Segregation in Education in Bulgaria, Czech Republic, Hungary, Romania and Slovakia”, ERRC Report, Frar 2007: http://www.errc.org/en-research-and-advocacy-reports-intro-details.php?article_id=2743

(19)  Ara Hanna Kiper, “Pedagoġija interkulturali”, 1992, p. 161; Franz Hamburger, “Id-diversità kulturali bħala sfida għall-kompitu edukattiv tal-iskejjel”, Frankfurt/Main, 1989.


III Atti preparatorji

IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-472 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011

25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar it-Tassazzjoni tas-Settur Finanzjarju”

COM(2010) 549 finali

2011/C 248/11

Relatur: is-Sur Stasys KROPAS

Nhar is-7 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Tassazzjoni tas-Settur Finanzjarju

COM(2010) 549 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’102 voti favur, 16-il vot kontra u 28 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi ġenerali tal-Kummissjoni biex terġa’ ġġib it-tkabbir, ir-reżiljenza u l-istabbiltà finanzjarja. L-istabbiltà u l-effikaċja tas-settur finanzjarju, u b’hekk it-tqegħid ta’ limitu fuq it-teħid ta’ riskju eċċessiv, kif ukoll il-ħolqien tal-inċentivi adatti għall-istituzzjonijiet tas-settur finanzjarju għandhom jiġu żgurati permezz ta’ regolazzjoni u superviżjoni adatti. F’dan il-kuntest, il-KESE dan l-aħħar esprima l-appoġġ tiegħu biex tiġi żviluppata skema ta’ fond ta’ riżoluzzjoni bankarja bħala parti mill-qafas għall-ġestjoni tal-kriżi.

1.2   Fil-perjodu ta’ wara l-kriżi, il-gvernijiet kellhom jadottaw sforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali sabiex ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-ispejjeż tal-kriżi u konsegwenzi soċjali u ekonomiċi ta’ natura iktar ġenerali. Il-KESE huwa tal-fehma li s-settur finanzjarju għandu jikkontribwixxi għal dawn l-isforzi b’mod ġust u sostanzjali.

1.3   Kif enfasizzat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, għadd dejjem ikbar ta’ Stati Membri diġà adottaw miżuri unilaterali rigward it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju. Huma adottaw skemi differenti ta’ tassazzjoni, b’bażijiet fiskali differenti, rati differenti tat-taxxa effettiva u ambiti differenti ta’ applikazzjoni. Il-KESE jemmen li l-bażi tat-tassazzjoni għal tali mekkaniżmi għandha tiġi armonizzata u li l-miżuri ta’ ħelsien mit-tassazzjoni doppja għandhom ikunu koordinati. Jekk il-Kummissjoni adottat inizjattivi b’dan il-mod, hija għandha tqis l-impatti diverġenti li jista’ jkollhom fuq kull Stat Membru individwali, l-importanza u r-robustezza tas-swieq finanzjarji domestiċi, il-qafas fiskali domestiku eżistenti u t-taxxa l-ġdida li dan l-Istat Membri jista’ jkun introduċa fis-settur finanzjarju tiegħu minħabba l-kriżi.

1.4   Taxxi, rekwiżiti u regolamenti ġodda jista’ jkollhom firxa sħiħa ta’ effetti fuq is-sistema finanzjarja u l-ekonomija kollha kemm hi. Għaldaqstant, l-impatt tagħhom fuq il-bażi kapitali u fuq il-kapaċità tal-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji li jaqdu r-rwol tagħhom li jiffinanzjaw l-ekonomija, u l-SMEs b’mod partikolari, għandhom jiġu valutati bir-reqqa. Il-kontribut fiskali globali tas-settur finanzjarju tal-UE għandu jitqabbel ma’ setturi oħra. L-effetti ta’ taxxi addizzjonali fuq il-pożizzjoni kompetittiva globali tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE jridu jiġu kkunsidrati.

1.5   Billi t-tensjonijiet relatati mal-likwidità u s-solvenza kienu elementi ċentrali eżatt qabel il-kriżi, il-KESE jirrakkomanda li kull taxxa ġdida fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji għandha titfassal b’tali mod li tqis kemm l-istituzzjonijiet huma kapaċi jħallsu u kemm jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti kapitali l-ġodda.

1.6   Fil-valutazzjoni tal-impatt tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ifisser li l-piż amministrattiv fuq l-operaturi tas-suq u l-istituzzjonijiet finanzjarji b’riżultat tal-ħtiġiet ta’ konformità għandhom jibqgħu proporzjonati mal-għan fundamentali ta’ din it-taxxa l-ġdida. Jekk il-Kummissjoni pprevediet l-introduzzjoni ta’ taxxa ġdida skont il-mudell tat-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (TTF), għandha tfittex il-konsistenza mal-politika li hija żviluppat f’dawn l-aħħar snin biex tissemplifika l-proċeduri fiskali li jitqiesu bħala ostakli għall-wara l-bejgħ. Jekk huwa maħsub li tiddaħħal Taxxa fuq l-Attivitajiet Finanzjarji (TAF), il-bażi fiskali għandha titfassal b’tali mod li tkun kompatibbli mal-informazzjoni li tkun disponibbli faċilment għall-istituzzjonijiet finanzjarji fil-qafas ta’ rappurtar finanzjarju attwali.

1.7   Filwaqt li jikkonferma l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fl-opinjoni tiegħu tal-15 ta’ Lulju 2010 favur l-introduzzjoni tat-Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji (TTF) (1), il-KESE jixtieq jenfasizza li, minħabba r-riskju tat-tħeġġiġ tar-rilokazzjoni tal-attivitajiet finanzjarji għal ċentri finanzjarji barra l-UE, l-introduzzjoni ta’ TTF fil-livell globali għandha tingħata preferenza fuq TTF pan-Ewropew. Madankollu, jekk jirriżulta li l-adozzjoni ta’ TTF fil-livell globali ma tkunx fattibbli, il-KESE jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ TTF tal-UE li tqis ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea.

1.8   Taxxa fuq l-Attivitajiet Finanzjarji (TAF) jista’ jkollha nuqqasijiet simili għal dawk tat-TTF. Investigazzjonijiet dwar dan it-tħassib għandhom jagħmlu parti mill-istudju ta’ impatt preliminari tal-Kummissjoni.

1.9   L-introduzzjoni ta’ taxxa ġdida bbażata fuq il-flussi tal-flus u mfassla barra mill-ambitu tal-VAT u li żżomm l-iskema insodisfaċenti tal-eżenzjoni mill-VAT mingħajr l-ebda tibdil, tista’ toħloq sistema tat-taxxa ferm ikkumplikata għall-istituzzjonijiet finanzjarji. Għaldaqstant, skont ir-riżultati li joħorġu mill-istudju tal-impatt li għandha tagħmel il-Kummissjoni, il-KESE jemmen li jekk taxxa fuq is-settur finanzjarju tkun ibbażata fuq il-flussi tal-flus jew fatturi simili, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-mertu li din it-taxxa titfassal fil-qafas tal-VAT, sabiex tiżgura approċċ amministrattiv iktar faċli għas-settur u ttaffi t-tbatija tal-VAT li ma tiġix irkuprata. Għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-konsegwenzi mhux pjanati li jista’ jkollha l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq is-settur finanzjarju, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ sistemi alternattivi li ma jkunux soġġetti għar-regolazzjoni, is-superviżjoni jew il-kontroll u li fihom infushom jistgħu jikkawżaw problemi maġġuri.

1.10   L-implikazzjonijiet kompetittivi ta’ taxxi ġodda fuq l-industrija bankarja, kemm fir-rigward tal-kompetittività tas-settur bankarju mas-settur mhux bankarju, u l-kapaċità tal-industrija bankarja li tkompli tissodisfa l-bżonnijiet finanzjarji tal-ekonomija reali ma jistgħux jiġu injorati. Dan huwa partikolarment importanti f’mument meta l-ekonomija qed tfittex li toħroġ mir-reċessjoni.

2.   Kuntest

2.1   Minħabba l-kriżi, il-gvernijiet nazzjonali madwar id-dinja qed jiffaċċjaw problema doppja kbira. L-ewwel nett, iridu jirriformaw is-sistema finanzjarja u bankarja b’mod urġenti. It-tieni nett, jeħtieġu sorsi ġodda ta’ dħul.

2.2   Barra minn hekk, qed jiġu kkunsidrati bosta objettivi fiskali, inkluż it-tnaqqis ta’ esternalitajiet negattivi, il-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi, il-kontribut tas-settur finanzjarju għall-ħlas lura tal-ispejjeż, ir-rispett tal-impenji fir-rigward tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u, skont l-ipotesi li s-settur finanzjarju mhux intaxxat biżżejjed, li jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi b’mod ġust u sostanzjali għall-baġits pubbliċi. B’riżultat ta’ dan, l-għan tat-taxxi tas-settur finanzjarju baqa’ ġenerali u n-natura u l-mekkaniżmi ta’ dawn it-taxxi għadhom qed jiġu evalwati.

2.3   Fis-7 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Komunikazzjoni dwar it-tassazzjoni futura tas-settur finanzjarju (2), appoġġjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal (3), fejn ġew previsti żewġ strumenti:

Għandha tiġi stabbilita Taxxa fuq l-Attivitajiet Finanzjarji (TAF) fil-livell tal-UE sabiex jiġi ġġenerat id-dħul għall-baġits tal-Istati Membri u fl-istess ħin sabiex tiġi ggarantita stabbiltà ikbar fis-swieq finanzjarji. Il-Kummissjoni tqis li jekk it-TAF tkun imfassla u implimentata tajjeb m’għandhiex tirrappreżenta riskju żejjed għall-kompetittività tal-UE.

Fil-livell globali, il-Kummissjoni tappoġġja l-idea ta’ FTT. Fil-fehma tagħha din it-taxxa tista’ tgħin biex jiġu ffinanzjati sfidi internazzjonali bħall-iżvilupp jew it-tibdil fil-klima.

2.4   Billi tqis in-natura globali u sistemika tal-kriżi finanzjarja, il-Kummissjoni tissuġġerixxi wkoll li t-taxxa fuq il-banek jista’ jkollha effett ta’ deterrent kontra t-teħid ta’ riskji eċċessivi. Hija tqis li din it-taxxa għandha tikkomplementa b’mod adegwat ir-riformi regolatorji u superviżorji billi ttejjeb l-effiċjenza, ir-reżiljenza u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u billi tnaqqas il-volatilità tagħhom.

2.5   Flimkien ma’ dawn l-għodod fiskali għall-ġestjoni tal-kriżi, il-Kummissjoni pproponiet ukoll inizjattivi li jinkludu l-implimentazzjoni ta’ Fond ta’ Riżoluzzjoni Bankarja (FRB) (4) li diġà kien is-suġġett ta’ Dokument ta’ Ħidma tal-KESE (5).

3.   Kontribut ġust u sostanzjali tas-settur finanzjarju lill-finanzi pubbliċi

3.1   Minħabba r-rwol li kellhom l-atturi tas-settur finanzjarju qabel il-kriżi, meta l-gvernijiet kellhom isalvaw lill-istituzzjonijiet finanzjarji, l-opinjoni ġenerali hija li l-ispejjeż relatati m’għandhomx jintrefgħu miċ-ċittadini jew minn setturi oħra. Din il-fehma ssarrfet fl-objettiv li “is-settur finanzjarju jiġi mġiegħel jikkontribwixxi b’mod ġust u sostanzjali lejn il-baġits pubbliċi”. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni beħsiebha tinkludi fl-istudju ekonomiku tagħha valutazzjoni tal-impatt dettaljata fejn id-diversi għażliet fiskali jiġu analizzati biex tkun tista’ titressaq proposta bilanċjata.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq stħarriġ dwar il-kontribut fiskali totali tas-settur tas-servizzi finanzjarji fl-UE li jkejjel it-taxxi kollha differenti li l-kumpaniji tas-servizzi finanzjarji qed iħallsu diġà. Dan l-istudju jista’ jagħti l-istampa ġenerali tal-ħlasijiet tat-taxxi korporattivi, il-VAT li ma tiġix irkuprata u t-taxxi tal-impjieg li jintrefgħu mill-banek bħala entitajiet li jħaddmu. Separatament, it-taxxi bbażati fuq l-impjegati għandhom jiġu inkorporati bħala miżura tal-kontribut ekonomiku globali. Imbagħad l-idea tista’ tkun li jiġi verifikat jekk hemmx simetrija bejn it-tassazzjoni tas-settur bankarju u l-valur miżjud tiegħu u jekk il-kontribut fiskali globali tas-settur bankarju huwiex inqas jew iktar meta mqabbel ma’ setturi oħra. Fl-aħħar nett, tista’ ssir stima tal-aggregat tat-taxxa bankarja l-ġdida flimkien mat-total tal-kontribut fiskali attwali.

3.2   Il-KESE jemmen li jekk tiddaħħal taxxa fuq is-settur finanzjarju, it-tali studju jgħin jikkalibra l-ambitu tagħha kemm f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll ir-rata effettiva tat-taxxa. Dan l-eżerċizzju għandu jeżamina bir-reqqa l-kapaċità tal-banek biex jerġgħu jibnu u jsaħħu il-bażi kapitali tagħhom u l-kapaċità tal-banek biex jiffinanzjaw id-djar u l-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs, fl-UE.

3.3   Fil-fehma tal-KESE, il-proposti marbuta ma’ kif l-industrija tas-settur finanzjarju tista’ tikkontribwixxi għall-ispejjeż ta’ kwalunkwe kriżi futura ma jistgħux jinfirdu mid-dibattitu li għaddej dwar il-bidliet iktar ġenerali lis-sistema regolatorja u l-firxa wiesgħa ta’ miżuri mmirati biex inaqqsu kemm il-possibbiltà kif ukoll l-impatt tal-falliment finanzjarju.

3.3.1   Tkun ħaġa ideali jekk it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju, b’mod ibbilanċjat, minn naħa, tilħaq l-għan fiskali li tiġġenera d-dħul u, min-naħa l-oħra, tilħaq l-għan tat-tnaqqis tar-riskju.

4.   Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji (TTF)

4.1   L-għan tat-TTF huwa li tilħaq diversi għanijiet, b’mod partikolari: li xxekkel l-attività mhux produttiva fis-swieq finanzjarji billi tnaqqas l-ispekulazzjoni u l-volatilità, u fl-istess ħin iġġib lura flus il-gvern.

4.2   F’Marzu 2010, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar it-taxxi fuq it-transazzjonijiet u f’Marzu 2011 adotta Rapport dwar finanzjament innovattiv fil-livell globali u Ewropew (6).

4.3   Bl-applikazzjoni tat-TTF, l-awtoritajiet qed ifittxu li jnaqqsu l-għadd ta’ transazzjonijiet ta’ riskju u ta’ spekulazzjoni (“soċjalment inutli”) (7). Huma jistgħu jqisuha bħala għajnuna biex jiġi evitat li l-banek jikbru wisq, jew li jwettqu wisq transazzjonijiet ta’ riskju eċċessiv fil-futur.

4.4   Il-KESE esprima l-fehmiet tiegħu dwar it-TTF fl-opinjoni tiegħu fuq inizjattiva proprja dwar it-Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji, li tinkludi l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

L-għan ewlieni ta’ TTF għandu jkun li tinbidel l-imġiba fis-settur finanzjarju billi jitnaqqsu t-transazzjonijiet finanzjarji spekulattivi fuq medda qasira ta’ żmien. B’dan il-mod l-attivitajiet fis-settur finanzjarju jistgħu jaħdmu permezz tal-mekkaniżmu tal-prezz tas-suq. L-effett mixtieq jista’ jintlaħaq billi jkun żgurat li t-TTF tolqot l-iktar lit-transazzjonijiet l-aktar frekwenti.

It-tieni objettiv ta’ TTF huwa li jkun hemm żieda fid-dħul pubbliku. Dan is-sors ta’ dħul ġdid jista’ jintuża wkoll biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex jiġu ffinanzjati l-politiki tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew biex jitnaqqas il-piż fuq il-finanzi pubbliċi. Dan jimplika wkoll li s-settur finanzjarju ser iħallas lura s-sussidji pubbliċi. Fuq medda twila ta’ żmien, id-dħul għandu jipprovdi sors ġenerali ġdid għad-dħul pubbliku.

4.5   Billi tqajmu xi dubji minn bosta oqsma dwar ir-riskju tal-effett tar-rilokazzjoni jekk it-taxxa tiġi applikata lokalment biss, TTF għandha tiġi prevista l-ewwel nett fil-livell globali, kif irrakkomandat il-Kummissjoni. Iżda jekk jirriżulta li dan huwa impossibbli, il-KESE jkun favur l-adozzjoni ta’ TTF fil-livell tal-UE li tqis ir-riżultat tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea.

4.6   Il-KESE jqis li TTF għandha titfassal b’tali mod li l-ġbir tagħha minn sistemi ta’ depożitu ċentrali jsir faċilment. Għandhom jitqiesu l-kwistjonijiet u l-ispejjeż relatati mal-infurzar tal-ġbir u l-konformità ta’ TTF b’bażi wiesgħa, kif ukoll l-inċertezza legali għall-kolletturi preżunti tat-taxxa għat-transazzjonijiet barra l-Borża (OTC) ta’ titoli ta’ sigurtà u derivattivi li ma jsirux fil-Borża.

4.7   Fl-aħħar nett, il-KESE jqis li għad hemm għadd kbir ta’ ġurisdizzjonijiet li jikkostitwixxu ċentri finanzjarji offshore, b’karatteristiċi ta’ opaċità assoċjati mas-segretezza bankarja tagħhom u b’tassazzjoni baxxa jew bl-ebda tassazzjoni. Meta jitqies kemm hu faċli li jitwaqqfu fergħat finanzjarji u l-operat permezz tal-internet f’dawn il-postijiet, hija ħaġa kruċjali li flimkien mal-adozzjoni ta’ TTF ikun hemm obbligu li jkun hemm aktar trasparenza, u kooperazzjoni ġudizzjarja u fiskali effettiva.

5.   Taxxa fuq l-Attivitajiet Finanzjarji

5.1   Il-karatteristiċi prinċipali tat-TAF, meta mqabbla mat-TTF, huma li tintaxxa l-kumpaniji tas-settur finanzjarju, filwaqt li t-TTF tintaxxa lill-parteċipanti tas-swieq finanzjarji. Barra minn hekk, filwaqt li t-TTF tolqot l-attivitajiet tan-negozju li huma kkonċentrati fi ftit ċentri finanzjarji, it-TAF tolqot il-profitti u l-kumpens tas-settur finanzjarju, li jitqassmu b’mod iktar omoġenju.

5.2   Abbażi tar-rapport tal-FMI, il-Kummissjoni tqis li t-taxxa fuq l-attivitajiet finanzjarji hija strument potenzjali ieħor biex tittejjeb it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju u biex jitnaqqsu l-esternalitajiet potenzjalment negattivi.

5.3   Hija u tfassal TAF, il-Kummissjoni tista’ tiddefinixxi bażi fiskali b’referenza għad-dikjarazzjoni tad-dħul.

5.4   Il-kunċetti li jintużaw għandhom jinfehmu fl-oqfsa ta’ kontabbiltà eżistenti, kemm l-International Financial Reporting Standards (IFRS), kif ukoll il-General Accepted Accounting Principles lokali (il-GAAP lokali), għax jista’ jkun il-każ li l-istituzzjonijiet finanzjarji ma japplikawx l-IFRS.

5.5   Jekk titfassal fuq il-flussi tal-likwidità, l-introduzzjoni ta’ TAF jista’ jkollha impatt fuq il-likwidità u tgħolli l-ispejjeż tal-flussi tal-likwidità, filwaqt li t-tensjonijiet dwar il-likwidità kienu element kruċjali fil-perjodu qabel il-kriżi. Għalhekk huwa rakkomandabbli li meta tkun qed tiġi definita l-bażi fiskali tat-TAF, tingħata attenzjoni partikolari lill-kapaċità tal-istituzzjonijiet li jagħmlu l-ħlasijiet u l-kapaċità tagħhom li jikkonformaw mar-rekwiżiti l-ġodda tal-kapital, kif ukoll mal-interazzjoni bejn il-VAT u t-TAF.

6.   Il-VAT

6.1   Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-introduzzjoni ta’ taxxa ġdida hija bbażata fost affarijiet oħra fuq l-eżenzjoni tas-servizzi finanzjarji mill-VAT skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”).

6.2   Il-KESE jixtieq jenfasizza li r-raġuni prinċipali għall-eżenzjoni hija d-diffikultà kunċettwali u prattika li jitkejjel il-valur relatat mas-servizzi finanzjarji tal-banek. Dan huwa l-każ b’mod partikolari għas-servizzi tradizzjonali tal-intermedjazzjoni finanzjarja tad-depożiti u s-self. Il-kunsiderazzjoni għal dawn is-servizzi tidher fil-forma tat-tqassim bejn l-interessi mitluba fuq is-self u l-interessi mħallsa fuq id-depożiti. Dan il-marġni huwa miżura globali komposta tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni li bank jagħti kemm lid-depożitaturi kemm lill-persuni li jissellfu, li ma tistax titkejjel faċilment għat-transazzjonijiet individwali biex tiġi applikata l-VAT jew kwalunkwe forma oħra ta’ taxxa fuq il-konsum ibbażata fuq it-transazzjonijiet. Ma kinitx ħaġa faċli li tiġi żviluppata metodoloġija biex dan il-marġni jiġi allokat lit-transazzjonijiet individwali biex il-VAT tiġi applikata skont metodu bbażat fuq il-fatturazzjoni. Tqajmu kwistjonijiet simili fit-tassazzjoni tal-assigurazzjoni u tipi oħra ta’ servizzi finanzjarji, pereżempju l-kambju tal-munita u l-kummerċ tat-titoli.

6.3   L-eżenzjoni tas-servizzi finanzjarji mill-VAT hija assoċjata fil-liġi tal-VAT ma l-ebda dritt – jew tal-inqas dritt limitat – għat-tnaqqis tal-VAT kontribwita. Dan ifisser li l-istituzzjonijiet finanzjarji ma jistgħux inaqqsu l-VAT li jġarrbu fuq l-ispejjeż proprji, li jfisser li hija purament spiża. L-ammont ta’ din “l-ispiża ta’ VAT moħbija” jista’ jkun konsiderevoli billi s-servizzi esternalizzati u t-transazzjoni bejn il-grupp jaħbu effett ta’ konsegwenzi segwenti (“cascading effect”) tat-taxxa.

6.4   Fl-2007, il-Kummissjoni ħarġet proposta għal Direttiva għar-riforma tat-trattament tal-VAT fuq is-servizzi finanzjarji bbażat fuq tliet pilastri, inkluża l-proposta għal għażla li s-servizzi finanzjarji jiġu intaxxati. Il-KESE jemmen li d-dibattitu dwar it-tassazzjoni tas-settur finanzjarju m’għandux jinfired mill-proposta għar-riforma tal-VAT (8).

6.5   Il-KESE jinsab imħasseb ukoll dwar l-ambitu tat-TAF u l-piż kumulattiv ta’ din it-taxxa bl-ammonti ta’ VAT li ma tiġix irkuprata. Filwaqt li din is-sistema tista’ titfassal b’tali mod li timmira speċifikament lejn ir-redditu ekonomiku u/jew ir-riskju, fl-iktar forma estensiva tagħha (il-metodu tal-addizzjoni) it-TAF taqa’ fuq il-profitti u l-pagi. Il-KESE jemmen li jekk taxxa ġdida tkun ibbażata fuq il-flussi tal-likwidità jew fatturi simili, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-merti li titfassal fl-ambitu tal-VAT, sabiex ittaffi l-impatt tal-VAT li ma tiġix irkuprata, u b’hekk jiġi evitat li jiżdied il-prezz ekonomiku għall-operaturi ekonomiċi kollha fl-Ewropa.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji”, ĠU C 44, 11.02.2011, p. 81.

(2)  COM(2010) 549/5.

(3)  SEC(2010) 1166/3.

(4)  COM(2010) 254 finali.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja; ĠU C 107, 6.04.2011, p. 16.

(6)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar it-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji – nagħmluhom jaħdmu u Abbozz ta’ Rapport dwar finanzjament innovattiv fil-livell globali u Ewropew (2010/2105(INI)).

(7)  Taxing the Speculators, http://www.nytimes.com/2009/11/27/opinion/27krugman.html.

(8)  COM(2007) 746 u 747 finali.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni”

COM(2010) 642 finali

2011/C 248/12

Relatur: is-Sur CEDRONE

Nhar id-9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni

COM(2010) 642 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'133 vot favur, 7 voti kontra u 14-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Fil-qosor, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-punti prinċipali għall-politika ta’ koezjoni stabbiliti mill-Kummissjoni Ewropea:

iż-żieda fil-valur miżjud Ewropew;

it-tisħiħ tal-governanza;

ir-razzjonalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-ġestjoni;

it-titjib tal-organizzazzjoni.

1.2   Skont il-KESE, dawn l-għanijiet jistgħu jitwettqu jekk fl-istess ħin:

jissaħħaħ l-ipprogrammar strateġiku billi tingħata għajnuna lill-Istati Membri biex jikkompletaw ir-riformi istituzzjonali sabiex tingħata l-funzjonalità lill-amministrazzjonijiet;

ir-riżorsi tal-UE jiġu kkonċentrati fuq għadd żgħir ta’ għanijiet ta’ prijorità;

jiżdiedu l-mobilizzazzjoni ekonomika u soċjali u l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjoekonomiċi fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni;

jiġu introdotti riformi fil-prinċipji tal-addizzjonalità u tal-kofinanzjament;

il-valutazzjoni tal-impatt issir obbligatorja.

1.3   Fil-fatt, m'għandniex ninsew li l-politika ta’ koeżjoni, flimkien mal-iżvilupp u t-tnaqqis tad-disparitajiet bejn ir-reġjuni, għandha tikkontribwixxi b'mod attiv għat-titjib tas-servizzi u tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini.

1.4   Dan jiġi ffaċilitat jekk, b'mod ġenerali, jittejbu n-nisġa ekonomika u l-kundizzjonijiet tal-intrapriżi, il-produttività tagħhom u l-kompetittività, b'mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi artiġjanali. Għaldaqstant, għandhom jiġu involuti direttament l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-intrapriżi b'dimensjoni territorjali jew, b'mod partikolari, dawk li jagħmlu parti minn setturi li huma meqjusa bħala ta’ prijorità mill-UE, flimkien mat-trejdjunjins u s-soċjetà ċivili

1.5   Approċċ interessanti li għandu jitħeġġeġ, fid-dawl tal-koeżjoni territorjali, minbarra dik infraterritorjali, infrareġjonali u infrasettorjali, jista' jkun dak li tiġi żviluppata (b'konformità mal-għan 3) l-kooperazzjoni transkonfinali u interreġjonali, u jingħataw aktar riżorsi lill-koeżjoni territorjali fir-reġjuni u l-istrateġija makroreġjonali tal-Ewroreġjuni (il-Baħar Baltiku, il-Mediterran, il-Baħar Adrijatiku, l-Alpi Adrija-Danubju, u l-hekk imsejħa Atlantic Arc (ir-rotta tal-Atlantiku)).

1.6   Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jsir l-akbar sforz possibbli, min-naħa tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prattiki tajba u l-għoti ta’ għajnuna lill-amministrazzjonijiet lokali għall-ġestjoni tal-programmi, anke permezz ta’ proċessi ta’ riforma interna kif ukoll tas-setturi kkonċernati.

1.7   Fil-fatt, huwa biss permezz ta’ livell akbar ta’ għarfien dwar ir-riżultati tal-investimenti, li llum il-ġurnata mhuwiex suffiċjenti, u permezz tat-tfassil ta’ studji speċifiċi dwar l-impatt, li se jkun possibbli li jiġu identifikati l-prijoritajiet fir-rigward tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan tal-konċentrazzjoni tematika.

1.8   Il-KESE jaqbel ukoll mal-għażla li titqies id-distribuzzjoni tas-setturi b'rata għolja ta’ tkabbir fir-reġjuni Ewropej kollha, maqsuma bejn ir-reġjuni tal-objettiv ta’ konverġenza, ir-reġjuni fi tranżizzjoni u r-reġjuni tal-objettiv ta’ kompetittività u impjieg. Madankollu, għad trid tinstab soluzzjoni għall-problema tad-distribuzzjoni tar-riżorsi bejn ir-reġjuni foqra (80 % tal-fondi) u l-oħrajn (l-20 % li jkun fadal), anke jekk din l-għażla tgħin biex issolvi l-problema tal-kofinanzjament.

1.9   Madankollu, il-KESE huwa tal-fehma li huwa fundamentali li jkun hemm koordinazzjoni tal-proposti u tal-politiki kollha msemmija mill-Kummissjoni, jiġifieri bejn l-Istrateġija Ewropa 2020, il-politika ta’ koeżjoni, il-PAK, il-politika tal-enerġija, it-trasport, l-ambjent, ir-riċerka, eċċ. B'mod partikolari, bejn l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FSE u dawk tal-FEŻR, anke minħabba l-fatt li l-FSE għandu jiffavorixxi lill-istrateġija Ewropea għall-impjieg, lit-twaqqif tal-Aġenda Soċjali, lit-taħriġ ta’ kwalità tajba, lill-inizjattivi għaż-żgħażagħ u lit-taħriġ Ewropew għall-operaturi tal-politika ta’ koeżjoni.

2.   Proposti

2.1   Proposti politiċi

2.1.1   L-Istrateġija Ewropa 2020: il-KESE huwa tal-fehma li l-politika ta’ koeżjoni ma għandhiex taqdi biss l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020; anzi, sabiex din tkun kredibbli għandha ssib tipi ta’ finanzjament awtonomu permezz tal-ħruġ ta’ Eurobonds.

2.1.2   Il-politika ta’ koeżjoni għandha żżomm l-għanijiet bażiċi tagħha bħas-solidarjetà fost il-popli, it-territorji u l-iżvilupp.

2.1.3   Summit Ewropew: il-politika ta’ koeżjoni u l-fondi kollha ddedikati għaliha għandhom jiġu diskussi u analizzati fuq bażi annwali fil-kuntest ta’ Summit Ewropew speċifiku. Dan għandu jsir kemm għall-importanza strateġika li għandha l-politika ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali, kif ukoll għall-konnessjonijiet li għandha mal-politika makroekonomika, fil-kuntest ta’ “governanza” ekonomika u soċjali Ewropea.

2.1.4   Il-Patt ta’ Stabbiltà u s-sanzjonijiet: fil-fehma tal-KESE, jeħtieġ li ssir aktar enfasi fuq l-inċentivi milli fuq is-sanzjonijiet sabiex ir-reġjuni l-aktar midjuna u, għalhekk, l-aktar fir-riskju, ma jiġux penalizzati aktar. Anzi, huwa ttamat li fil-kuntest tar-riformi fis-seħħ tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, jiġi eskluż minn dan il-patt l-infiq relatat mar-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ, li mhumiex meqjusa bħala spejjeż kurrenti. Dan għandu jsir bil-għan li l-ifqar reġjuni, li l-iżjed li għandhom bżonn l-għajnuna Komunitarja, ma jiġux penalizzati.

2.1.5   In-numru ta’ prijoritajiet li jiġu stabbiliti għandu jkun limitat, filwaqt li jiġi kkunsidrat dak kollu li ġie previst mill-għanijiet tal-fondi differenti u mill-Istrateġija Ewropa 2020. B'mod partikolari, dawn il-prijoritajiet għandhom jirreferu għall-politiki li l-għan tagħhom huwa li jitwettaq is-suq uniku, li għalih għandha tikkontribwixxi l-politika ta’ koeżjoni. Il-prijoritajiet għandhom jiġu deċiżi minn Summit Ewropew, preċedut minn kooperazzjoni bejn il-partijiet pubbliċi u l-imsieħba soċjoekonomiċi fil-livelli kollha.

2.1.6   Is-sħubija soċjoekonomika, bit-tixrid tal-prattiki tajba, b'mod parallel u/jew mal-ftehimiet bejn il-partijiet pubbliċi, għandha ssir proċedura ordinarja u obbligatorja, li takkumpanja l-proċessi kollha ta’ definizzjoni, implimentazzjoni u valutazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Għaldaqstant, għandha tintrabat b'mod dirett mal-kundizzjonalità. Il-KESE jixtieq li l-prinċipju tal-Artikolu 11 tar-regolament ġenerali, li jiddefinixxi r-regoli tas-sħubija, jiġi estiż għall-Fondi Strutturali kollha.

2.2   Proposti tekniċi u operattivi

2.2.1   Ir-regoli tal-kofinanzjament għandhom ivarjaw fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet ta’ żvilupp u tad-disponibbiltajiet ekonomiċi u soċjali taż-żoni u tal-oqsma kkonċernati mill-politika ta’ koeżjoni, b'mod partikolari fuq il-bażi tad-dħul, li l-kriterji ta’ kalkolu tagħhom għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid b'mod adegwat (1), u tal-baġit tar-reġjuni.

2.2.2   Il-kundizzjonalità ex ante għandha tiġi mmirata lejn it-titjib tal-kwalità tal-infiq, marbuta mat-twettiq tal-għanijiet, biex l-amministrazzjonijiet ikkonċernati jkunu aktar effettivi u biex il-fondi jintużaw bl-aqwa mod possibbli, waqt li jiġi evitat li tippenalizza, pereżempju, ir-reġjuni l-aktar midjuna.

2.2.2.1   L-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġuti jwettqu r-riformi istituzzjonali meħtieġa biex jiżguraw l-adegwament strutturali, il-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi, bil-għan li titnaqqas l-esklużjoni soċjali. Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li huwa kruċjali li din il-politika tiġi implimentata bil-kooperazzjoni tal-imsieħba soċjoekonomiċi fil-livelli kollha, bħala kundizzjoni għall-għoti tal-fondi.

2.2.3   L-indikaturi tradizzjonali għall-għażla tal-oqsma ta’ intervent għandhom ikunu integrati ma’ parametri oħra, fosthom pereżempju, ir-rata tal-impjieg, tal-faqar, tal-attendenza fl-iskola, il-livell ta’ edukazzjoni, ta’ taħriġ professjonali, tas-servizzi u ta’ sostenibbiltà ambjentali.

2.2.4   Il-valutazzjoni ta’ impatt għandha ssir element ċentrali tal-politika ta’ koeżjoni, mhux biss bħala kundizzjonalità ex ante, biex tiġi verifikata l-effettività u l-livell tal-għanijiet milħuqa. Din għandha ssir permezz ta’ parametri komuni stabbiliti fil-livell Komunitarju, u li saru obbligatorji fit-territorju Ewropew kollu.

2.2.4.1   L-analiżi bbażata fuq ir-riżultati: filwaqt li huwa minnu li din tqajjem interess ikbar minn analiżi bbażata fuq il-kontroll tal-ġestjoni finanzjarja, l-implimentazzjoni prattika tagħha titlob tħejjija twila u kriterji preċiżi. Ir-riżultati ta’ azzjoni meħuda, speċjalment jekk hija ta’ natura “intanġibbli” bħat-taħriġ u l-investiment fl-iżvilupp, jistgħu jitkejlu biss wara perjodu ta’ żmien. Biex ikunu jistgħu jagħmlu analiżi bbażata fuq ir-riżultati, jeħtieġ li l-promoturi tal-proġetti u l-awtoritajiet amministrattivi jingħataw taħriġ minn qabel, u l-KESE jipproponi li din il-formula tiġi ttestjata matul il-perjodu 2011-2013 f'ċerti reġjuni magħżula għall-kwalità tal-governanza eżistenti fuq il-bażi tas-sħubija.

2.2.5   Is-semplifikazzjoni għandha ssir l-għan prinċipali tal-politika ta’ koeżjoni. Tista' tiġi indirizzata permezz ta’ tnaqqis tal-proċeduri amministrattivi u tal-kontabilità, titjib u tisħiħ tal-kriterji ta’ monitoraġġ u valutazzjoni u tnaqqis tal-proċeduri li jakkumpanjaw il-preżentazzjoni tal-pjani u/jew tal-proġetti. Ir-reviżjoni tal-proċeduri tal-kontabilità tista' titwettaq bejn il-partijiet kollha interessati flimkien mal-Qorti tal-Awdituri.

2.2.5.1   B'mod partikolari, huwa importanti li jiġi applikat il-prinċipju ta’ “darba waħda biss” (one stop shop) kemm fil-fażi tal-preżentazzjoni tal-proġetti, billi jingħaqdu flimkien il-formoli differenti tal-fondi u bejniethom, kif ukoll fil-fażi tal-ivverifikar, billi jiġu armonizzati r-regoli finanzjarji u r-regoli tal-programmi differenti, u billi jitwettaq kontroll ta’ tip wieħed li jgħodd għall-istituzzjonijiet ikkonċernati kollha.

2.2.5.2   Is-sinerġija bejn il-programmi differenti: għall-finijiet ta’ ċarezza, sempliċità u effikaċja, jeħtieġ li tinstab l-aħjar komplementarjetà possibbli bejn il-programmi kollha li jikkonċernaw l-istess atturi fl-istess territorju, kemm bejn il-programmi Ewropej, nazzjonali u territorjali, kif ukoll bejn il-finanzjamenti differenti tal-UE. In-nuqqas ta’ sinerġija huwa wieħed mir-raġunijiet għala l-fondi strutturali u l-programmi tal-UE inġenerali ma jintużawx biżżejjed jew ikollhom impatt dgħajjef.

2.3   Taħriġ: dan hu strument fundamentali ieħor meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-koeżjoni, inkluż dak tal-aħjar użu tal-fondi.

3.   Introduzzjoni

3.1   Il-prinċipji tal-koeżjoni u tas-solidarjetà huma żewġ pilastri fundamentali tat-Trattat, li fl-Artikolu 174 jistabbilixxi li: “Sabiex tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha inġenerali, l-Unjoni għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha”.

3.2   Barra minn hekk, hemm punt ieħor ta’ importanza partikolari fid-dawl tal-aħħar żewġ tkabbiriet: “B'mod partikolari, l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta’ dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti”.

3.3   Dawn iż-żewġ prinċipji, li jirrappreżentaw il-bażi tal-integrazzjoni tal-popli u tat-territorji Ewropej, m'għandhom jintesew qatt, l-iktar minn min jaġixxi f'isem l-UE.

3.4   Is-sena d-dieħla, il-Kummissjoni Ewropea se toħroġ proposta għall-baġit Ewropew il-ġdid għal wara l-2013, (diġà ġiet ippubblikata Komunikazzjoni speċifika fid-19 ta’ Ottubru 2010), iżda t-talba tal-Kunsill (Diċembru 2010) min-naħa ta’ xi gvernijiet biex ma jiżdidx il-baġit tal-UE ma tantx jidher li ħolqot prospetti tajbin, anke jekk se tiġi akkumpanjata minn proposta leġislattiva dwar il-fondi strutturali.

3.5   Il-Ħames Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta’ Koeżjoni, u l-konklużjonijiet tiegħu, imħejji b'lingwaġġ ġdid, għandu jitqies f'dan il-kuntest, b'rabta mill-qrib mal-Istrateġija Ewropa 2020.

4.   Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: sommarju

4.1   Fil-konklużjonijiet tal-Ħames Rapport, il-Kummissjoni Ewropea tuża approċċ pjuttost differenti minn tas-soltu biex tittratta diversi suġġetti u tipprova tagħti risposti u indikazzjonijiet, filwaqt li tistenna li tiġi konkluża l-konsultazzjoni li nediet, billi għamlet 13-il mistoqsija dwar ir-rapport tagħha.

4.2   Dawn huma s-suġġetti prinċipali indirizzati:

4.2.1   It-tkabbir tal-valur miżjud Ewropew tal-politika ta’ koeżjoni

4.2.1.1   Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan l-għan għandu jintlaħaq permezz ta':

il-konsolidazzjoni tal-programmazzjoni strateġika;

konċentrazzjoni tematika akbar fir-rigward tar-riżorsi;

iż-żieda tal-prestazzjoni permezz ta’ grupp ta’ kundizzjonijiet u inċentivi, inklużi l-kofinanzjament u l-patt ta’ stabbiltà;

it-titjib tal-valutazzjoni, tal-effetti u tar-riżultati;

l-użu ta’ strumenti finanzjarji ġodda.

(ara l-ewwel 5 mistoqsijiet tal-Kummissjoni)

4.2.2   It-tisħiħ tal-governanza tal-politika ta’ koeżjoni (il-governanza)

4.2.2.1   Dan l-għan għandu jintlaħaq permezz ta':

l-introduzzjoni tat-tielet dimensjoni: il-koeżjoni territorjali;

il-konsolidazzjoni tas-sħubija (pubblika u privata).

(ara l-mistoqsijiet 6 u 7)

4.2.3   Ir-razzjonalizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-ġestjoni

4.2.4   Dan jista' jsir pemezz ta':

ġestjoni finanzjarja;

tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi;

dixxiplina finanzjarja;

kontroll finanzjarju.

(ara l-mistoqsijiet 8, 9, 10 u 11)

4.2.5   L-organizzazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni

(ara l-mistoqsijiet 12 u 13)

4.3   Il-passi li jmiss

4.3.1   Il-Kummissjoni tista', fuq il-bażi tat-tweġibiet tal-kwestjonarju, tirfina l-proposti li ressqet fil-Ħames Rapport.

5.   Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: osservazzjonijiet ġenerali  (2)

5.1   Bil-għan li jiżdied il-valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni, il-Ħames Rapport tal-Kummissjoni jipproponi sensiela ta’ riformi ambizzjużi ħafna mmirati lejn it-titjib tal-livell tal-effiċjenza tal-kapaċità tal-infiq tal-Istati Membri u lejn is-semplifikazzjoni tal-ġestjoni tagħha. Il-KESE jaqbel mal-pożizzjoni ġenerali li l-Kummissjoni għażlet li tieħu fir-rigward tal-proposti ta’ riforma.

5.2   Huwa sforz li għandu jiġi aċċettat u żviluppat iżjed, iżda hemm il-periklu li ma jkunx suffiċjenti jekk xi proposti ppreżentati b'mod timidu ma jinbidlux f'deċiżjonijiet u azzjonijiet konkreti, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda r-rabta stretta, u kważi unika, bejn il-fondi strutturali u l-Istrateġija Ewropa 2020.

5.3   Fil-fatt, minkejja l-isforz, l-analiżi tas-sitwazzjoni mhijiex realistika, anke jekk hija koperta minn konsultazzjoni (pjuttost ġenerika), li tagħti importanza sekondarja lill-kwistjonijiet ewlenin.

5.4   Pereżempju, li l-“missjoni” ta’ xprun prinċipali tat-tkabbir tiġi assenjata biss lill-politika ta’ koeżjoni jidher li hu proġett tassew ambizzjuż u aċċettabbli, bil-kundizzjoni li jkun hemm bidla radikali fil-politika ta’ koeżjoni u politika ta’ segwitu dewwiema li tħeġġeġ l-implimentazzjoni tagħha. Dan flimkien mal-ħtieġa li l-Unjoni jkollha politika ekonomika komuni.

5.4.1   Jekk dan ma jkunx il-każ, hemm il-periklu li l-proposta tkun illużorja, jew tal-inqas restrittiva. Għaldaqstant, biex tiffavorixxi dan l-għan u biex il-prinċipju tal-koeżjoni ma jitwarrabx, l-Istrateġija Ewropa 2020 għandu jkollha l-fondi tagħha stess, anke permezz ta’ self Ewropew, u għandha timxi fuq l-istess prinċipju. Barra minn hekk, għandhom jiġu involuti b'mod ugwali l-politiki l-oħra kollha tal-UE, inkluża l-PAK. Hekk biss jista' jiġi evitat li l-fondi strutturali jitilfu l-“vokazzjoni” oriġinali tagħhom, billi jsiru wieħed mill-istrumenti tal-iżvilupp territorjali. Il-KESE jiddispjaċih li fil-Ħames Rapport ma ġietx indirizzata l-politika rurali, u jiddispaċih ukoll li fil-PAK ma ġietx indirizzata l-politika ta’ koeżjoni.

5.5   Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tosserva tajjeb li l-valur miżjud tal-politiki ta’ koeżjoni kemm-il darba ġie diskuss bejn l-akkademiċi, li l-analiżi empiriċi tagħhom ta’ spiss juru li l-impatt ta’ dawn il-politiki jitkejjel diffiċilment. Waħda mir-raġunijiet għal dan tista' tkun dovuta għall-fatt li l-indikaturi tal-koeżjoni territorjali mhux dejjem jintgħażlu b'mod adegwat. Fil-fehma tal-Kumitat, dawn il-kwistjonijiet għandhom jingħataw iżjed attenzjoni minn dik li ngħatat s'issa.

6.   Kummenti speċifiċi (dwar l-4 għanijiet stabbiliti mill-Kummissjoni)

6.1   F'dak li jirrigwarda l-għan tat-tisħiħ tal-ipprogrammar strateġiku li għandu jitwettaq fil-kuntest ta’ qafas strateġiku, il-proposta ġdida tal-Kummissjoni tikkonsisti prinċipalment fl-għoti ta’ koerenza u fil-ħolqien ta’ rabta aktar funzjonali bejn l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-interventi definiti fil-livell nazzjonali permezz tal-programmi operattivi.

6.2   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon din l-innovazzjoni, iżda huwa tal-fehma li l-problema ewlenija li għandha tiġi solvuta tirrigwarda r-rabta bejn il-pjani annwali, imħejjija mill-Istati Membri u miftiehma mal-UE għall-istabbilizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi (pjani nazzjonali ta’ riforma) u l-politika ta’ koeżjoni. Dan is-suġġett huwa wieħed attwali ħafna, minħabba d-diversità tal-liġijiet amministrattivi fis-seħħ bħalissa fil-pajjiżi tal-UE u l-livelli differenti ta’ dejn pubbliku.

6.3   Barra minn hekk, għad trid tittieħed deċiżjoni dwar jekk il-politika ta’ koeżjoni għandhiex tibqa' fundamentalment politika indipendenti fl-għażla tal-prijoritajiet u tal-interventi li għandhom jitwettqu, jew jekk għandhiex iżżomm forma ta’ kundizzjonalità fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-politika ekonomika li jittieħdu fil-livell nazzjonali għat-trażżin tad-dejn pubbliku. Il-KESE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet prinċipali tal-UE (il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni, il-Kunsill) u l-istituzzjonijiet nazzjonali għandhom jagħtu attenzjoni kbira lil din il-problema, bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet biex tinżamm il-koerenza bejn l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-governanza ġdida tal-politika ta’ koeżjoni, li però ma tistax tingħata inqas importanza milli tingħata lill-ewwel waħda.

6.4   It-tieni aspett importanti li jirrigwarda l-ipprogrammar strateġiku huwa relatat mal-proposta tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ta’ kundizzjonalità ex ante mmirata biex tistabbilixxi l-prinċipji li għandhom isegwu u japplikaw il-pajjiżi membri biex itejbu l-effettività tal-politika ta’ koeżjoni. Fid-dawl tal-kritiki li saru minn bosta pajjiżi, huwa evidenti li l-Kummissjoni għamlet sforz immirat lejn l-introduzzjoni ta’ kundizzjonijiet li jistgħu jiżguraw effettività akbar lill-investimenti. Madankollu, huwa meħtieġ li l-proċeduri ma jitgħabbewx b'piż żejjed u li r-reġjuni ma jiġux “ikkastigati” fejn ma jkunux ħatja (defiċits tal-Istati nazzjonali).

6.5   Il-KESE jikkunsidra b'mod pożittiv il-kundizzjonijiet minimi għall-aċċess għall-fondi u għall-iżgurar tal-governanza tar-riżorsi, ippreżentati mill-Kummissjoni, anke bl-għoti ta’ inċentivi lill-Istati Membri biex dawn iwettqu r-riformi meħtieġa. Barra minn hekk, il-KESE jsostni li l-isforz prinċipali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għandu jsir fuq kollox fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ proċessi ta’ riforma interni li għandhom x'jaqsmu mal-istituzzjonijiet u mas-setturi li huma l-aktar ikkonċernati mill-politika ta’ koeżjoni (l-ambjent, is-suq tax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ professjonali, l-innovazzjoni).

6.6   L-użu ta’ sanzjonijiet jew miżuri simili mill-Kummissjoni kontra Stat Membru, li jwassal għas-sospensjoni jew ħlas lura tal-fondi tal-UE, għandu jiġi kkunsidrat biss fl-aktar każijiet rilevanti ta’ ksur u/jew nuqqas ta’ konformità mal-prinċipji u r-regolamenti tal-politika ta’ koeżjoni.

6.7   Aspett pożittiv ieħor jirrigwarda l-proposta, li jaqblu magħha l-Kummissjoni u l-Istati Membri, li r-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni jiġu diretti lejn numru limitat ta’ prijoritajiet (ara wkoll l-opinjoni ECO/230) peress li r-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni mhumiex biżżejjed biex jiffinanzjaw il-bosta ħtiġijiet tar-reġjuni li għadhom lura. Fil-fatt, il-KESE jsostni li l-politika ta’ koeżjoni tista' tkun aktar effettiva jekk tiġi mmirata lejn l-appoġġjar ta’ inizjattivi tanġibbli u mhux tanġibbli li għandhom impatt ekonomiku, soċjali u territorjali kbir.

6.8   Madankollu, it-tfassil tal-prijoritajiet u t-trażżin tal-inizjattivi li għandhom jiġu ffinanzjati huma waħda mill-problemi li mhumiex faċli biex jiġu solvuti minħabba d-diversi talbiet ġejjin mill-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali favur azzjoni f'direzzjoni għalkollox opposta.

6.9   Is-sħubija, kif il-KESE sostna kemm-il darba (3), tista' tirrappreżenta valur miżjud ġenwin f'din id-direzzjoni; għaldaqstant, jilqa' b'sodisfazzjon l-indikazzjoni tal-Kummissjoni, sakemm m'għandhiex x'taqsam mas-sħubija pubblika biss, imma, b'mod partikolari, mas-sħubija ekonomika, soċjali u ċivili, bis-sehem konkret tal-partijiet soċjali u ċivili kkonċernati bid-dritt tal-vot, fil-fażijiet u fil-livelli kollha. Barra minn hekk, ikun utli li l-partijiet jingħataw il-fondi għall-għajnuna teknika.

6.10   Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li ssir riforma tal-prinċipju tal-addizjonalità u tal-kofinanzjament għal liema huma previsti riformi li kapaċi jorbtu t-tnejn li huma mal-ħtieġa li jiġu previsti r-rati ta’ parteċipazzjoni finanzjarja li huma ddivrenzjati “biex jirriflett[u] aħjar il-livell tal-iżvilupp, il-valur miżjud tal-UE, it-tipi ta’ azzjonijiet u l-benefiċjarji”.

6.11   Jaqbel ukoll dwar il-proposta li jiġi stabbilit it-tielet livell tar-reġjuni, dawk li attwalment jinsabu f'sitwazzjoni ekonomika li tqiegħdhom f'livell ogħla minn 75 % tal-medja tal-UE iżda li għadu inqas minn 100 % (90 %) minħabba li dan jista' jissemplifika l-verifika u l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-kofinanzjament, filwaqt li titqies il-possibbiltà li jiġi estiż l-użu tar-riżorsi, anke jekk b'ammont żgħir, għar-reġjuni kollha.

6.12   Rigward il-prinċipju tal-addizzjonalità, huwa meħtieġ li jiġu identifikati aħjar it-tipi ta’ interventi li għalihom jintalab l-impenn finanzjarju nazzjonali, filwaqt li jiġi speċifikat il-kontribut mil-lat tal-valur miżjud, tal-effetti fuq l-impjieg u tal-elementi li jistimolaw it-tkabbir. It-tnaqqis tal-prijoritajiet u tal-interventi li għandhom jiġu ffinanzjati fl-Istati Membri għandu jiffaċilita u fl-istess ħin jagħmel aktar flessibbli l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-addizzjonalità.

6.13   Rigward it-tieni prinċipju, jistgħu jiġu previsti rati diversi ta’ kofinanzjament, aktar imnaqqsa fil-każ tar-reġjuni l-aktar diverġenti bl-għan evidenti li jiġi faċilitat il-finanzjament ta’ interventi speċifiċi ta’ żvilupp lokali, aktar għolja għar-reġjuni li huma eqreb tal-medja tal-UE.

6.14   It-tielet għan ewlieni jirrigwarda s-semplifikazzjoni tal-proċeduri għall-ġestjoni tal-programmi komuni. Dan huwa suġġett li ngħata l-kunsens unanimu tal-Istati Membri kollha u li l-KESE dejjem tkellem favuru fl-opinjonijiet tiegħu biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni. Dan l-għan jikkunsidra r-regoli differenti – amministrattivi, tal-kontabilità eċċ. – tal-Istati u tar-reġjuni, u jqis li anke tibdiliet kontinwi joħolqu ostakoli u dewmien, speċjalment meta jikkoinċidu f'xi oqsma.

6.15   Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposta li l-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi jintalbu biex jippreżentaw rapport annwali tal-ispejjez kofinanzjati mill-UE (flimkien mal-opinjonijiet ta’ reviżuri indipendenti) mhijiex f'lokha, u li din mhijiex faċli biex tiġi implimentata, fid-dawl tal-metodi u t-tul ta’ żmien mitlub attwalment biex jitwettqu l-proċeduri marbuta mal-għoti ta’ kuntratti tal-UE.

6.16   Iżda, jekk is-suġġett huwa t-“tisħiħ” tar-responsabbiltajiet tal-entitajiet nazzjonali u reġjonali, b'mod partikolari dawk li jinsabu f'diffikultajiet akbar u/jew affettwati minn dewmien akbar fl-implimentazzjoni, il-verifika tar-riżultati tista' titħalla f'idejn l-istrutturi indipendenti akkreditati f'livell Ewropew, għallinqas wara sentejn mit-tnedija tal-perjodu ta’ programmazzjoni. Fil-każ ta’ responsabbiltajiet amministrattivi jew devjazzjonijiet sinifikattivi fir-rigward tar-riżultati mistennija, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi, skont il-gravità tal-irregolaritajiet li ltaqgħet magħhom, li tagħlaq il-programm, li tissospendi l-ħlasijiet jew li titlob ħlas lura tal-ammonti diġà mogħtija.

6.17   L-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali għandhom jagħtu evidenza tal-kapaċità tagħhom li jippjanaw u jimmaniġġjaw b'mod effettiv l-ispejjeż kofinanzjati. Dan ir-riżultat jista' jinkiseb mhux billi titħaffef il-verifika taż-żminijiet tal-ispejjeż (billi jintalbu baġits annwali) iżda billi jiġi verifikat li hija żgurata l-kwalità lill-investimenti stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti, li jiġu rispettati ż-żminijiet għall-implimentazzjoni tal-interventi u li ġew applikati proċeduri effettivi ta’ valutazzjoni u kontroll.

6.18   Barra minn hekk, hemm innovazzjonijiet importanti oħra li l-KESE jaqbel magħhom, b'mod partikolari fir-rigward ta':

l-iżvilupp ta’ strumenti ġodda ta’ inġinerija finanzjarja li għandhom jitwessgħu u jiġu estiżi għal setturi li bħalissa ma jibbenefikawx minnhom (it-trasport urban, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-enerġija u l-ambjent, it-telekomunikazzjonijiet, eċċ.);

l-introduzzjoni ta’ forom ġodda ta’ sħubija pubblika-privata;

ir-reviżjoni tal-istrateġiji ta’ kull Fond Strutturali, fuq il-bażi tal-FSE u l-kontribut li dan jista' jagħti lill-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea għall-impjieg;

l-attenzjoni akbar li għandha tingħata liż-żoni urbani;

l-introduzzjoni ta’ inċentivi li jippromwovu r-riformi li jgħinu lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jużaw ir-riżorsi tal-UE b'mod aktar effiċjenti;

l-introduzzjoni, fil-baġit tal-politika ta’ koeżjoni, ta’ riżerva li għandha tkun disponibbli għar-reġjuni li kellhom l-aqwa riżultati fir-rigward tal-ksib tal-għanijiet stabbiliti mill-istrateġija Ewropea.

6.18.1   Il-KESE huwa tal-fehma li, għal kull waħda minn dawn l-innovazzjonijiet, għandhom jiġu stabbiliti bir-reqqa l-għanijiet, għandha ssir valutazzjoni tar-riżorsi disponibbli u għandhom jiġu deskritti, fuq bażi individwali, il-metodi u t-tul ta’ żmien għall-implimentazzjoni.

6.18.2   Il-koerenza u s-sostenibbiltà ta’ dawn il-proposti għandhom jiġu verifikati bir-reqqa fid-dawl tal-erba' għanijiet prinċipali preżentati mir-riforma tal-politika u tal-applikabilità effettiva tagħhom fir-reġjuni u t-territorji li għadhom 'il bogħod ħafna mill-medja tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku, tal-effiċjenza tal-produzzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-kwalità tal-għajxien.

6.19   Għall-perspettiva finanzjarja l-ġdida, il-Kummissjoni għal darb'oħra tipproponi li jiġi applikat il-kriterju ta’ 75 % tal-PDG medju per capita, espress fil-Parità ta’ Kapaċità għall-Infiq sabiex jiġi determinat jekk dawn ir-reġjuni humiex eliġibbli, waqt li jiġi applikat il-kriterju ta’ konverġenza. Madankollu, il-KESE jipproponi li titqies il-possibbiltà li jiġu introdotti parametri oħra li jirrappreżentaw bl-aħjar mod il-kundizzjonijiet suġġettivi tar-reġjuni individwali u tat-territorji tal-UE.

7.   Il-baġit tal-UE, il-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020

7.1   Il-prospetti tal-baġit tal-UE wara l-2013 xejn ma huma inkoraġġanti. Is-Summit li sar fi tmiem l-2010 ma jħallix dubji f'dan ir-rigward. Xi wħud mill-Istati Membri (xi wħud biss?), fid-dawl tal-awsterità kkawżata mill-kriżi, jagħtu ġustifikazzjoni biex ma tiżdiedx id-disponibbiltà tagħhom, ħlief b'mod simboliku, u jinsew li l-politika ta’ koeżjoni tassorbi inqas minn 1 % tal-PDG, filwaqt li ċerti Stati Membri investew madwar 24 % tal-PDG biex isalvaw il-banek!

7.2   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Istrateġija Ewropa 2020, li l-Unjoni tidher li tixtieq tqiegħed it-tama kollha tagħha fiha, hija importanti. Iżda, hemm ir-riskju li tfalli jekk ma jkunx hemm finanzjament dirett. L-aħjar huwa li dan il-finanzjament isir permezz tal-bonds Ewropej. Barra minn hekk, ikun tajjeb li jitħalla ċertu marġni ta’ azzjoni fil-konfront tar-reġjuni l-aktar dgħajfa u li huma interessati fil-koeżjoni, skont l-ispeċifiċitajiet tagħhom, bil-għan li titħeġġeġ integrazzjoni bejn iż-żewġ politiki.

7.3   Din l-integrazzjoni tista' tiġi faċilitata permezz ta’ għarfien akbar tal-ħtiġijiet u tal-prijoritajiet territorjali fir-rigward tal-Istrateġija Ewropa 2020 biex jiġi żgurat l-għan tal-konċentrazzjoni tematika.

8.   Il-futur tal-koeżjoni wara l-2013: punti strateġiċi

8.1   Il-proposti dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni ppreżentati mill-Kummissjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, marbuta mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, ifasslu direzzjoni tajba li l-KESE, bħalma ntqal diġà, jaqbel magħhom fil-biċċa l-kbira, peress li huma orjentati biex itejbu l-effettività ta’ waħda mill-aktar politiki importanti tad-distribuzzjoni ekonomika mill-ġdid tal-UE. Madankollu, sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jeħtieġ li jiġu stabbiliti xi kundizzjonijiet strateġiċi bażiċi, flimkien ma’ dawk li diġà ssemmew qabel.

8.2   L-ewwel kundizzjoni: il-KESE huwa tal-fehma li l-impenji mitluba lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jwasslu għal riżultati konkreti jekk dan il-proġett jagħmel parti minn analiżi aktar ġenerali tal-arkitettura tal-governanza ekonomika Ewropea u tal-għanijiet li l-UE beħsiebha tikseb kemm f'livell Ewropew kif ukoll f'livell internazzjonali. Din l-analiżi saret dejjem aktar meħtieġa fid-dawl tal-kriżi u tal-attakki fuq id-dejn sovran, li tobbliga lill-UE biex taġġorna wkoll il-politika monetarja tagħha, li sal-lum kienet iffukata fuq l-aktar żoni sinjuri tal-UE (stabbiltà), bi ħsara għal dawk l-inqas żviluppati, u li għandhom bżonn jikbru (tkabbir).

8.3   It-tieni kundizzjoni tirrigwarda wieħed mill-punti ċentrali tal-proġett ta’ reviżjoni tal-politika ta’ koeżjoni; jiġifieri, l-ħtieġa li tinbena koordinazzjoni funzjonali u strateġika, li llum il-ġurnata ma teżistix, bejn id-diversi Fondi Strutturali. Għaldaqstant, l-għażla u l-finanzjament relattiv tal-interventi f'livell reġjonali għandhom iseħħu bħala parti minn djalogu u minn metodu ta’ ħidma mibnija mhux biss mal-Istati Membri (kuntratti ta’ sħubija) u l-partijiet soċjoekonomiċi, iżda wkoll bl-appoġġ tekniku u r-riżorsi tal-ħames Fondi Strutturali, sakemm tiġi stabbilita awtorità unika għall-koordinazzjoni u l-ġestjoni tal-fondi differenti.

8.4   It-tielet kundizzjoni tirreferi għall-ħolqien ta’ koordinazzjoni u ta’ sinerġija bejn l-interventi tal-politika ta’ koeżjoni u l-politiki l-oħra marbutin magħha (politiki settorjali ambjentali u tal-enerġija, politiki għar-riċerka u l-innovazzjoni, politika għall-impjieg, eċċ.) u bħala konsegwenza, għall-istrumenti l-oħra ta’ finanzjament tal-UE (il-BEI, il-finanzjament għall-innovazzjoni, għan-netwerks infrastrutturali, għall-iżvilupp tat-telekomunikazzjonijiet, eċċ.). Il-politika ta’ koeżjoni għandha ssir l-istrument ta’ pjan aktar wiesa' li jiffavorixxi l-iżvilupp kumplessiv tar-reġjuni u t-territorji, anke bil-għan li jdaħħlu fis-seħħ interventi u finanzjamenti settorjali differenti, anke min-naħa tal-entitajiet privati, fuq il-bażi tal-ħtiġijiet speċifiċi tat-territorji.

8.5   Ir-raba' kundizzjoni tirrigwarda l-possibbiltà, fil-kuntest ta’ dan l-approċċ il-ġdid imsejjes fuq il-governanza ekonomika Ewropea, li jiġu żviluppati tipi ta’ kooperazzjoni msaħħa skont l-għanijiet kondiviżi li jirrigwardaw settur partikolari, makroreġjun jew l-iżvilupp ta’ attivitajiet li fil-fehma tal-Istati Membri huma ta’ importanza strateġika. Dan l-istrument li, minkejja li ġie previst mit-Trattat, s'issa ftit ġie użat, jista' jiffaċilita l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jagħmilha possibbli li, bis-saħħa tas-sinerġiji u l-ekonomiji ta’ skala li jistgħu jiġu stabbiliti fost l-Istati parteċipanti, ikun hemm riżultati aħjar fi żmien ħafna iqsar.

8.6   Il-ħames kundizzjoni, fl-istess kuntest tal-koordinazzjoni, tirreferi għall-ħtieġa, mill-iktar fis, jiġifieri qabel il-bidu taċ-ċiklu ġdid tal-programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, li tiġi mnedija koordinazzjoni interistituzzjonali (il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-korpi konsultattivi, il-KESE u l-KtR u l-imsieħba soċjoekonomiċi). L-għan hu li jiġu ffaċilitati d-diskussjoni u l-iskambju ta’ fehmiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-futur tal-politika ta’ koeżjoni, qabel ma jsir it-tfassil finali tal-proposti li għandhom jiġu approvati mill-entitajiet kompetenti. Din il-koordinazzjoni għandha tibqa' għaddejja u takkumpanja l-implimentazzjoni tal-programmi u l-valutazzjoni tar-riżultati.

8.7   Il-KESE huwa favur it-twaqqif (mill-ġdid) ta’ programmi ta’ inizjattiva Komunitarja ladarba ssir ir-reviżjoni f'nofs it-term tal-politiki strutturali. Fil-fatt, it-tneħħija ta’ programmi li taw prova tal-effettività tagħhom, bħall-programmi URBAN, EQUAL, Interprise u oħrajn, kienet ta’ telf għall-kooperazzjoni territorjali tematika u l-innovazzjoni soċjali, minħabba li dan ir-rwol la ttieħed fil-“mainstreaming” tal-fondi u lanqas xi mkien ieħor.

8.8   Madankollu, il-KESE jittama li, fuq il-bażi ta’ dak li diġà ġie mniedi bil-konklużjonijiet annessi għall-Ħames Rapport, il-Kummissjoni, fid-dawl tar-riforma li jmiss, tippreżenta proposti aktar kuraġġużi, b'mod li jirrappreżentaw bidla konkreta b'relazzjoni għall-passat.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni biex tkun provduta informazzjoni dwar il-Parità ta’ Kapaċità għall-Infiq u għall-kalkulazzjoni u t-tixrid tagħha”, ĠU C 318/08, 23/12/2006, p. 45 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  COM(2010) 642 finali.

(3)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin: “Ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013”, ĠU C 228/26, 22.9.2009, p. 141; “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, fuq il-bażi ta’ prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-20133”, ĠU C 44/01, 11.2.2011, p. 1; u “Il-Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020”.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/75


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Parlamenti Nazzjonali: ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE

COM(2010) 700 finali

2011/C 248/13

Relatur: is-Sur MALOSSE

Korelatur: is-Sur DANTIN

Nhar id-19 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Parlamenti Nazzjonali: Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE

COM(2010) 700 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’175 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE mhijiex kwistjoni ta’ numri iżda strument għal proġett politiku. Illum il-ġurnata l-Unjoni Ewropea m’għandhiex il-mezzi baġitarji biex timplimenta la l-istrateġija politika tagħha u lanqas l-impenji tagħha mogħtija mit-Trattat ta’ Lisbona l-ġdid.

1.2   Il-kriżi ekonomika u finanzjarja, li nbdiet fl-Istati Uniti, laqtet lill-Ewropa serjament u xprunat kaskata ta’ defiċits dejjem ikbar fil-maġġoranza tal-Istati Membri. Din is-sitwazzjoni inevitabbilment għandha riperkussjonijiet fuq it-tħejjija tal-perspettiva finanzjarja 2014/2020 iżda l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tkun il-vittma.

1.3   Għalhekk, irridu nkunu imaġinattivi biex niddefinixxu “baġit Ewropew intelliġenti” li jagħti lill-UE l-mezzi biex twettaq l-ambizzjonijiet tagħha mingħajr ma żżid il-piż fiskali globali li qed iġorru ċ-ċittadini u l-intrapriżi.

1.4   Il-kunċett tal-“juste retour” għandu jitwarrab għax imur kontra l-valuri tas-solidarjetà u l-benefiċċju reċiproku tal-integrazzjoni Ewropea. Minflok, għandha tiġi applikata s-sussidjarjetà bi trasferiment lejn il-livell Ewropew ta’ dak kollu li jkun tilef is-sens u l-effikaċja fil-livell nazzjonali. Il-KESE jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea li pproponiet li jerġa’ jibda jintuża l-prinċipju tar-riżorsi proprji li jistgħu jinħolqu mill-ġdid u li jistgħu jissostitwixxu t-taxxi nazzjonali.

1.5   Il-baġit Ewropew għandu jissaħħaħ u jkollu effett ta’ lieva. Il-KESE jqis li l-baġits nazzjonali u dawk Ewropej għandhom ikunu komplementari u li b’hekk jinkisbu ekonomiji ta’ skala sabiex jinkisbu l-objettivi politiki kbar tal-UE. L-effikaċja tal-azzjonijiet tal-UE tissaħħaħ ukoll mir-rikors iktar sistematiku għas-self mill-BEI, is-sħubijiet pubbliċi/privati kif ukoll il-ħolqien ta’ eurobonds għall-investimenti.

1.6   Min-naħa l-oħra, biex jintwera li euro jintuża aħjar fil-livell Ewropew, l-UE għandha tixpruna rivoluzzjoni ġenwina fil-proċeduri, li llum huma wisq ta’ piż, u tiffoka l-azzjonijiet tagħha fuq proġetti viżibbli għaċ-ċittadin.

1.7   L-uniku mezz biex tintrebaħ l-isfida ta’ baġit ambizzjuż huwa li tintrebaħ il-battalja tal-opinjoni pubblika. Din hija r-raġuni għalfejn il-KESE jixtieq li jitwettqu u jiġu ppubblikati studji dwar il-prezz ta’ non-Ewropa, studji li joħorġu fid-dieher id-dupplikazzjoni fil-baġits nazzjonali. Il-KESE jaqbel ukoll mal-inizjattiva tal-Parlament Ewropew u ser jikkontribwixxi għaliha.

1.8   Biex ikun kredibbli f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej, il-baġit tal-UE għandu jkun eżemplari mil-lat tal-governanza, l-effikaċja, it-trasparenza u l-kontroll tal-infiq amministrattiv.

2.   Infittxu ambizzjoni ġdida

2.1   Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma taħbix ir-rieda tagħha li tiddefinixxi approċċ ambizzjuż biex iservi bħala bażi għall-perspettiva finanzjarja tal-UE wara l-2013. Il-KESE jilqa’ dan bi pjaċir billi t-Trattat ta’ Lisbona issa fetaħ it-triq għal Unjoni Ewropea b’identità politika qawwija.

2.2   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-kunċett tal-“juste retour” japplika bil-wisq inqas illum il-ġurnata milli meta nbdiet il-kostruzzjoni Ewropea. Tali kunċett, li ħafna drabi fixkel it-tħaddim tal-kostruzzjoni Ewropea waqt li mmonopolizza d-dibattiti, huwa fil-biċċa l-kbira responsabbli għan-nuqqasijiet tagħha, id-dewmien u l-fallimenti. Dan imur kontra l-ispirtu ta’ Unjoni bejn l-Istati u ċ-ċittadini u kontra kull loġika ekonomika razzjonali. Fil-fatt, f’Unjoni ekonomika, monetarja u politika, il-benefiċċji u l-valur miżjud fihom infushom għandhom ikunu ta’ ġid għal kulħadd. Il-progress li għamlet l-Unjoni Ewropea huwa bbażat fuq l-effett ta’ multiplikatur ta’ tqassim li huwa l-oppost tal-kunċett tal-juste retour.

2.3   Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, fl-2008, il-Kumitat kien diġà qies li “It-tfassil tal-politiki tal-baġit ma jistax isir mingħajr l-għażla fundamentali bejn il-federaliżmu jew is-sistema intergovernattiva. Huwa ċar li l-grad ta’ progress fl-integrazzjoni Ewropea jitkejjel ukoll fuq il-bażi ta’ kif jiġi ffinanzjat il-baġit” (1).

2.4   Għalhekk, il-Kumitat jixtieq ukoll li jittieħdu t-tagħlimiet kollha minn analiżi oġġettiva tat-tħaddim baġitarju attwali. Il-Kummissjoni bir-raġun tipponta subgħajha lejn id-dewmien fit-tnedija tal-programmi, il-kumplessitajiet inerenti tas-sistema, id-deċentralizzazzjoni tal-eżekuzzjoni li ma kellhiex impatt pożittiv. Dawn in-nuqqasijiet fit-tħaddim għandhom jiġu analizzati fil-fond bil-parteċipazzjoni tal-atturi kollha konċernati b’tali mod li jitwettqu l-kompiti neċessarji biex jiġu koreġuti.

2.5   Il-KESE jappoġġja l-erba’ prijoritajiet prinċipali mħabbra mill-Kummissjoni: l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ azzjoni fundamentali, it-tisħiħ tal-valur miżjud, l-obbligu tar-riżultati, l-ottimizzazzjoni tal-vantaġġi reċiproċi tas-solidarjetà. Il-KESE jixtieq ukoll iżid kundizzjoni oħra: il-viżibbiltà.

2.5.1   L-impatt attwali tal-miżuri baġitarji tal-UE mhuwiex sodisfaċenti minn dan il-lat. Dan in-nuqqas huwa ostaklu għall-integrazzjoni Ewropea għax jagħmilha iktar diffiċli li tingħata għajnuna ġenwina liċ-ċittadini u jipprovdi lill-Istati Membri b’argumenti biex jixxekkel it-tkabbir tal-baġit Ewropew. Dan irid jiġi indirizzat kemm fil-livell tal-proċedura baġitarja, li m’hija xejn ċara għaċ-ċittadini, kif ukoll f’dak tat-twettiq operattiv wisq drabi kunfidenzjali, imxerrda fi proġetti żgħar ħafna, jew mistura fil-qafas tal-kofinanzjamenti kumplessi.

2.6   Fil-fehma tal-KESE, it-tqegħid mill-ġdid ġo qafas tal-politika baġitarja tal-UE għandu jikkontribwixxi direttament għall-għan tar-rinnovazzjoni tal-metodu Komunitarju li ntalbet b’mod ċar fl-Opinjoni tiegħu ta’ Ottubru 2010, li ġiet adottata b’maġġoranza qawwija (2).

3.   Infittxu komplementarità aħjar bejn il-livell nazzjonali u l-livell Ewropew

3.1   Il-KESE ma jistax jaċċetta li l-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, determinat mill-mezzi baġitarji li jingħatawlu, jiġi mhedded mill-kwistjoni tat-tnaqqis tad-defiċits pubbliċi. Tali kunċett minnufih jixħet fid-dubju l-ambizzjonijiet politiċi tal-Unjoni Ewropea li ngħataw mit-Trattat ta’ Lisbona u mill-Istrateġija Ewropa 2020.

3.2   Il-KESE jipproponi li jkun hemm komplementarità bejn il-baġits nazzjonali u l-baġit Ewropew fuq l-għanijiet komuni, b’mod speċjali fir-rigward tal-kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u l-investiment tal-Istrateġija 2020. Għalhekk dan jinvolvi aggregazzjoni “intelliġenti” tal-mezzi nazzjonali u Ewropej sabiex ikun hemm ekonomiji ta’ skala, jinkiseb effett ta’ lieva u jitnaqqsu d-defiċits tal-baġits nazzjonali permezz tal-effetti pożittivi fuq it-tqassim tar-riżorsi.

3.3   Għal dan il-għan, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tuża l-mezzi neċessarji biex mingħajr iżjed dewmien twettaq il-valutazzjoni tal-prezz ta’ non-Ewropa, li ma reġax ġie kkalkulat minn meta sar ir-rapport ta’ Cecchini (3) 23 sena ilu. Il-Kumitat bi pjaċir jilqa’ x-xewqa li esprima l-Parlament Ewropew li jieħu inizjattiva hu stess f’dan il-qasam. Min-naħa tiegħu, il-Kumitat beħsiebu jieħu sehem sħiħ fil-ħidma f’dan il-qasam u jagħti l-kontribut attiv tiegħu fit-twettiq.

3.3.1   Iċ-ċittadini u l-kontribwenti Ewropej fil-fatt għandhom ikunu jafu l-ammont tal-fattura li jridu jħallsu llum minħabba l-ispejjeż doppji superfluwi tal-kategorizzazzjoni persistenti fl-oqsma amministrattivi kif ukoll ekonomiċi. Huma għandhom ikunu informati bl-“ekonomiji ta’ skala” li jistgħu jkunu ta’ ġid għall-ordni pubbliku fl-Ewropa b’integrazzjoni Ewropea iktar b’saħħitha. Pereżempju, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ Ewropa tat-trasport, minkejja li hija stabbilita fit-Trattat ta’ Ruma, kuljum qed jissarraf f’dewmien u disturbi għaċ-ċittadini u f’ċertu nuqqas ta’ produttività għall-intrapriżi. L-istess japplika għall-ftuħ insuffiċjenti tal-appalti pubbliċi fil-livell Ewropej, minkejja li skont ir-rapport ta’ Cecchini, jekk dawn jinfetħu, jistgħu jinħolqu 2 miljuni impjiegi ġodda.

3.4   Il-KESE jinsisti b’mod partikolari fuq l-effett ta’ impetus fuq l-ekonomija li huwa mistenni b’mod ġust minn żieda fil-baġit Ewropew ibbażat fuq it-tali ekonomiji ta’ skala. Waqt li biż-żieda miksuba fil-produttività jiġu kkumpensati l-effetti negattivi tal-miżuri korrettivi severi fil-finanzi pubbliċi tal-Istati, jistgħu jiġu rikonċiljati l-bżonnijiet ta’ dixxiplina baġitarja fil-konfront tad-defiċits u l-bżonnijiet ta’ rkupru ekonomiku u soċjali li joħroġ lill-Ewropa mill-kriżi u tkabbir dgħajjef.

3.5   L-appoġġ mogħti lill-ekonomija min-naħa l-oħra għandu implikazzjonijiet pożittivi fuq id-dħul fiskali u b’hekk fuq l-ibbilanċjar tal-kontijiet pubbliċi. Iż-żieda intelliġenti fil-baġit Ewropew għandha fil-fatt tippermetti li jinbeda u jinżamm ċiklu ekonomiku u baġitarju virtwuż, ibbażat fuq sfruttament komuni ta’ komplementarità reċiproka. L-isfruttament ta’ din il-komplementarità bejn il-livell nazzjonali u l-livell Ewropew huwa għalhekk il-kondizzjoni għal konsolidazzjoni sostenibbli tat-tkabbir u l-impjieg fl-Ewropa.

4.   Nerġgħu niksbu iktar awtonomija baġitarja

4.1   Il-KESE jqis li ż-żieda fil-baġit Ewropew, fiha nnifisha, ma tidhirx biss mixtieqa iżda meħtieġa fil-konfront tad-daqs tal-isfidi l-ġodda li jeħtieġu rispons konġunt.

4.2   Għal dan il-għan, huwa jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea rigward l-importanza assoluta ta’ sistema bbażata fuq riżorsi proprji, fejn id-dħul imur direttament fil-baġit tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkollu jgħaddi mil-livell nazzjonali. Il-KESE jqis li ma jista’ jkun hemm l-ebda riforma effettiva tal-baġit Ewropew mingħajr ma jintraddu lura r-riżorsi proprji awtonomi mmirati sew u sostenibbli, minflok il-kontributi nazzjonali li ġew introdotti mill-1980 b’ribass speċjali għar-Renju Unit, li wara sara permanenti bil-Ftehim ta’ Fontainebleu fl-1984, li juri l-kunċett żbaljat tal-“juste retour”.

4.3   Il-Kumitat jinnota d-diversità tal-proposti ta’ riżorsi ġodda li saru mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, b’mod partikolari dwar it-transazzjonijiet finanzjarji u dwar is-CO2. Mingħajr ma joħroġ Opinjoni f’dan l-istadju dwar in-natura ta’ riżorsi proprji ġodda, il-KESE jenfasizza l-bżonn li kull proposta f’dan il-qasam għandha tkun akkumpanjata minn valutazzjoni ta’ impatt li tippermetti li jiġu valutati aħjar. Il-Kumitat jixtieq li tiġi esplorata wkoll il-possibbiltà tat-trasferiment tat-taxxi jew parti mit-taxxi eżistenti tal-livell nazzjonali lejn il-livell Ewropew, bħalma jsir fil-każ tal-VAT. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi previst li parti mit-taxxa fuq il-kumpaniji ssir parti mill-ġabra komuni kif ipproponiet il-Kummissjoni Ewropea.

4.4   Il-KESE jistenna li riforma bħal din potenzjalment tneħħi l-korrezzjonijiet nazzjonali li mhux ser ikunu ġustifikati iżjed f’baġit Ewropew rivedut, u b’hekk jiġi żgurat valur miżjud imsaħħaħ għall-Istati Membri kollha.

4.5   Il-KESE jinsisti wkoll fuq tliet prinċipji li jidhrulu neċessarji biex tirnexxi riforma tar-riżorsi tal-baġit Ewropew:

4.5.1

Il-piż fiskali fl-Ewropa m’għandux jiżdied minħabba r-riforma tar-riżorsi proprji.

4.5.2

It-taxxi Ewropej ġodda possibbli m’għandux ikollhom impatt diskriminatorju eċċessiv fir-rigward ta’ xi Stati minħabba l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u lanqas m’għandu jfixkel l-attivitajiet tal-intrapriżi stabbiliti fl-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, m’għandhomx ikunu ta’ piż esaġerat fuq iċ-ċittadini, b’mod partikolari fuq dawk l-iktar żvantaġġati, bħalma huwa l-każ bil-VAT.

4.5.3

Ir-riorganizzazzjoni għandha tikkontribwixxi għal razzjonalizzazzjoni u bilanċjar aħjar tal-pressjoni fiskali globali, b’konformità mal-għanijiet tal-kompetittività u l-impjieg tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-infiq Ewropew għandu jiffoka iktar fuq il-prijoritajiet tal-UE u l-oqsma fejn jistgħu jinkisbu l-ekonomiji ta’ skala. Fil-fehma tal-KESE, din il-kundizzjoni tidher li hija rekwiżit preliminari biex il-baġit Ewropew jiżdied b’mod konsiderevoli.

4.6   Fl-aħħar, il-KESE jemmen li huwa possibbli, sakemm l-UE tilħaq livell ta’ integrazzjoni ogħla, li jiġu adottati approċċi innovattivi li, permezz ta’ aġenziji speċjalizzati jew forma differenti, jiġbru flimkien il-baġits nazzjonali u l-baġit Ewropew f’oqsma bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni, l-għajnuna għall-iżvilupp, il-finanzjament tal-infrastrutturi l-kbar. Dawn l-approċċi jippermettu integrazzjoni ġenwina tal-prijoritajiet u l-mezzi, filwaqt li għal kull livell politiku ta’ kompetenza, nazzjonali kif ukoll Ewropew, tiġi mħarsa l-kapaċità tiegħu tal-monitoraġġ.

5.   Lejn miżuri mmirati aħjar lejn il-valur miżjud Ewropew

5.1   Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-baġit Ewropew ikun adegwat għall-għanijiet u l-impenji tal-Istrateġija Ewropa 2020. Minbarra l-mezzi baġitarji korrispondenti dan ifisser rabtiet viżibbli bejn l-azzjoni prevista minn dan il-baġit u d-diversi pilastri tal-Istrateġija Ewropa 2020.

5.2   Il-Kumitat jinsisti b’mod partikolari fuq il-ħtieġa ta’ azzjoni effettiva tal-baġit fl-oqsma fejn ir-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea tkun diretta, l-ewwel nett fil-konsolidazzjoni tal-unjoni ekonomika u monetarja, it-tisħiħ tas-solidarjetà tal-Istati Membri tal-UE kif ukoll l-implimentazzjoni tal-politiki ġodda li joħorġu mit-Trattat ta’ Lisbona: l-enerġija u l-klima, il-ġustizzja u l-affarijiet interni u l-politika esterna.

5.3   Il-kriżijiet reċenti fiż-żona tal-euro enfasizzaw il-bżonn li b’mod partikolari tiġi promossa s-solidarjetà fil-qafas tal-unjoni ekonomika u monetarja. Il-mezzi disponibbli tal-baġit Ewropew stess ġabu magħhom kompetizzjoni utli, fejn antiċipaw il-ħolqien tal-Fond ta’ Stabilizzazzjoni. Id-deċiżjoni li dan il-mekkaniżmu ta’ stabilizzazzjoni jiġi inkorporat fit-trattat tirrappreżenta pass ġdid ta’ solidarjetà Ewropea kif ukoll fl-ambizzjoni tagħha għall-integrazzjoni politika u ekonomika sabiex tiġi konsolidata b’mod sostenibbli l-unjoni ekonomika u monetarja li tikkostitwixxi progress kruċjali tal-kostruzzjoni Ewropea u l-koeżjoni ekonomika u soċjali tas-suq uniku tagħha. Huwa partikolarment urġenti li terġa’ titnieda l-unjoni ekonomika li baqgħet wara l-unjoni monetarja, u tkissret. Ma tantx hemm ċans li tirnexxi l-Istrateġija Ewropa 2020 jekk dan id-distakk ma jitnaqqasx. Kien ikun tajjeb li kieku din il-perspettiva ġiet analizzata iktar fil-fond fid-dokument tal-Kummissjoni.

5.4   Il-prijorità importanti l-oħra għall-baġit Ewropew, bħalma enfasizzat sew il-Kummissjoni, effettivament hija t-tisħiħ tal-politiki tat-trijangolu maġiku “ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni”, li jinsabu fil-qalba tal-isfida tal-globalizzazzjoni.

5.4.1   Madankollu, b’baġit li jirrappreżenta biss 4 % tar-riċerka pubblika fl-Ewropa, ma tistax issir bidla fundamentali fil-konfront tal-isfidi dinjija. Għandhom jinstabu l-mezzi, l-iktar finanzjarji, biex il-programmi Ewropej jissarrfu fi strumenti ġenwini biex tittejjeb il-kompetittività tal-industrija Ewropea.

5.4.2   L-integrazzjoni, b’mod jew ieħor, tal-programmi nazzjonali fil-programm qafas Ewropew tar-riċerka hija indispensabbli biex jinkisbu l-ekonomiji ta’ skala u l-massa kritika. Għandu jiġi żgurat ukoll li jkun hemm konċentrazzjoni fuq is-setturi ewlenin, b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet nazzjonali speċifiċi ta’ tluq u li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet osservati, b’mod speċjali l-piżijiet u d-dewmien mill-proċeduri amministrattivi.

5.4.3   Il-politika Ewropea tal-innovazzjoni għandha sservi bħala bażi fundamentali fil-qalba tar-riċerka fl-Ewropa, filwaqt li s’issa ġiet indirizzata biss mill-Kummissjoni bħala prodott sekondarju tar-riċerka. Il-Kummissjoni Ewropea kellha tipproponi bidla prinċipali, u għamlet dan fil-komunikazzjoni reċenti tagħha dwar “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni” (COM(2010) 546 finali).

5.4.4   Il-KESE jfakkar b’mod partikolari dwar it-talbiet li kien ressaq għal politika ħafna iktar ambizzjuża li tgħaqqad flimkien appoġġ għall-intraprenditorija, rabta bejn in-netwerks nazzjonali tal-appoġġ u t-tifrix tal-innovazzjoni u politika Ewropea tal-clusters sabiex jinħolqu “champions Ewropej” minflok “champions nazzjonali”. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni li ttieħdet biex tinħoloq koordinazzjoni msaħħa għall-ħolqien ta’ brevetta Komunitarja. Dan għandu jiġi implimentat mill-iktar fis possibbli sabiex tintemm is-sitwazzjoni li għal għexieren ta’ snin xekklet bil-kbir il-kompetittività tal-UE.

5.4.5   Fil-qasam edukattiv, il-KESE talab għal inizjattivi iktar ambizzjużi u b’mod speċjali, għall-ftuħ ta’ “skejjel Ewropej” ġodda miftuħa għal kulħadd bħala turija ta’ identità Ewropea msaħħa, il-ħolqien ta’ universitajiet ġenwinament Ewropej (4) kif ukoll politika Ewropea dwar il-ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda (5).

5.4.6   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti iktar attenzjoni lill-analiżi oġġettiva tal-effetti tal-politiki tal-UE u tiżgura korelazzjoni preċiża tal-annessi mad-dokument prinċipali.

5.5   Il-politika ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u reġjonali hija involuta direttament ukoll fl-iżvilupp ta’ solidarjetà Ewropea. Il-KESE jopponi għalkollox l-iżmantellar ta’ din il-politika li hija s-simbolu ta’ Unjoni “bejn il-popli”. Il-KESE jitlob li madankollu tiġi rinnovata sabiex tiżdied l-effiċjenza, l-iktar bis-semplifikazzjoni tal-modi li bihom tiġi ġestita, b’iktar enfasi fuq il-proġetti ewlenin marbuta mal-prijoritajiet Ewropej u b’garanzija ta’ parteċipazzjoni iktar mill-qrib tal-atturi ekonomiċi u soċjali. F’dan il-kuntest, l-UE għandha tiġġieled b’mod attiv kontra l-esklużjoni tal-kategoriji tal-popolazzjoni l-iktar fraġli u tappoġġja l-pajjiżi u r-reġjuni l-iktar imbiegħda u l-iktar żvantaġġati minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem b’mod sħiħ fil-progress ekonomiku u soċjali. Minn dan il-lat, fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-impjieg, il-Fond Soċjali Ewropew għandu jkun l-istrument preferut, b’mod speċjali fid-dawl tal-finanzjament tiegħu, għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi. Din għandha tkun fil-qalba tal-Istrateġija tat-“Tkabbir Inklużiv” tal-“Ewropa 2020”.

5.6   Prijorità importanti tal-baġit Komunitarju, b’rabta diretta mal-għan ta’ Unjoni iktar effettiva, iktar solidali u eqreb taċ-ċittadini, għandha tkun li jsir iktar investiment fil-beni pubbliċi Ewropej. Din il-prijorità tissemma b’mod tajjeb mill-Kummissjoni. Madankollu, għandha tiġi ċċarata u konkretizzata. Il-KESE, min-naħa tiegħu, beħsiebu japprofondixxi d-dibatittu mal-atturi ekonomiċi u soċjali biex jiġu ċċarati l-bżonnijiet u l-għanijiet. S’issa, l-KESE diġà enfasizza bosta ħtiġijiet f’dan il-qasam:

5.6.1   L-ewwel nett, il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati servizzi ġenwini ta’ interess ġenerali fil-livell Ewropew, b’komplementarità mal-amministrazzjonijiet nazzjonali u fi sħubija mal-utenti Ewropej, sabiex tiġi żgurata organizzazzjoni tajba u s-sigurtà tal-Unjoni fl-oqsma rilevanti għar-responsabbiltà kollettiva tagħha.

5.6.1.1   Dan jikkonċerna l-iktar l-organizzazzjoni tas-suq intern u tad-dwana, iżda anke l-oqsma l-ġodda fejn l-Istati Membri ddeċidew li jittrasferixxu l-kompetenzi: il-politika tal-immigrazzjoni u l-ażil, il-ġustizzja u l-affarijiet interni, il-ħolqien ta’ servizz diplomatiku Ewoprew u azzjonijiet esterni kif ukoll l-għassa tal-fruntieri esterni.

5.6.2   Il-KESE jenfasizza wkoll il-bżonn li jissaħħu l-investimenti trans-Ewropej tal-infrastruttura, inkluż l-appoġġ għal dawn is-servizzi Ewropej ta’ interess ġenerali, b’tali mod li jkunu jistgħu jaħdmu sew. Għadda wisq żmien mindu l-White Paper tal-Kummissjoni tressqet minn Jacques Delors fl-1993, li l-proposti u l-metodoloġija tagħha ma rnexxilhomx jiġu segwiti b’mod effettiv. Biċċa kbira mit-territorju Ewropew, l-iktar fil-pajjiżi li saru membri dan l-aħħar, baqgħet ekluża mill-flussi ta’ kummerċ minħabba dawn in-nuqqasijiet. Fost il-prijoritajiet li għandhom jitwettqu fl-infrastruttura, il-KESE jisħaq fuq il-proġetti strutturali bħall-ispeċifikazzjonijiet tal-Ajru Uniku Ewropew (6), il-linji ferrovjarji ta’ veloċità għolja jew in-netwerks tal-kanali navigabbli. L-investimenti importanti ta’ dimensjoni Ewropeja huma neċessarji wkoll fir-rigward tal-politika tal-enerġija sabiex tiġi żgurata indipendenza ikbar fil-provvista u biex isir investiment fis-sigurtà, l-effiċjenza u l-enerġiji rinnovabbli.

5.6.3   Jissemmew ukoll ir-rekwiżiti ta’ investimenti komuni innovattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda tal-kompetittività jew tas-sigurtà rigwar it-telekomunikazzjoni, l-ambjent u l-protezzjoni ċivili.

5.7   Rigward il-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-KESE jfakkar fil-pożizzjonijiet (7) tiegħu favur it-tiġdid tagħha. Jeħtieġ li l-PAK tiġi adatta għall-isfidi l-ġodda mingħajr ma jkun hemm nazzjonalizzazzjoni mill-ġdid u mingħajr ma jiġu abbandunati l-prinċipji li huma s-saħħa tagħha: is-solidarjetà interna u esterna, il-kwalità tal-produzzjoni alimentari, il-preferenza Komunitarja u l-koeżjoni territorjali favur iż-żoni rurali, b’mod partikolari r-reġjuni tal-muntanji u dawk insulari. Fil-fatt, waħda mill-missjonijiet prijoritajiet tal-PAK hija l-iżvilupp tar-rwol tal-bdiewa. Barra minn hekk, hija għandha tikkontribwixxi għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali b’tali mod li jkunu jistgħu jirreaġixxu b’mod konkret għall-isfidi l-kbar tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent u l-bijodiversità (8).

5.8   Rigward il-politika estera u tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-pajjiżi terzi, il-KESE jfakkar il-pożizzjonijiet tiegħu favur is-semplifikazzjoni tar-rappreżentanzi tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll tat-tisħiħ tal-effikaċja tal-għajnuna Ewropea b’komplementarità mal-għajnuna nazzjonali u fi sħubija iktar stretta mal-atturi ekonomiċi u soċjali li jintlaqtu direttament.

5.9   Fir-rigward tal-għajnuna għall-iżvilupp, fejn għandha tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-użu, il-KESE huwa tal-fehma li jkun opportun li l-programmi nazzjonali u Ewropej jingħaqdu, kemm għall-effikaċja u l-koerenza, kif ukoll biex tingħata iktar viżibbiltà lill-għajnuna Ewropea. F’dan il-kuntest, il-KESE jfakkar li kien hu li daħħal il-klawżola fil-ftehimiet ta’ Cotonou li 15 % tal-għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp tinżamm għall-azzjoni minn atturi nongovernattivi. Huwa jipproponi li dan il-prinċipju jiġi applikat u segwit fil-programmi kollha tal-iżvilupp.

6.   Infittxu l-effikaċja

6.1   F’din il-fażi diffiċli li għaddejjin minnha l-finanzi pubbliċi Ewropej, il-baġit Ewropew għandu jservi bħala eżempju ta’ governanza tajba. Mingħajr ma naqgħu faċilment fit-tentazzjoni tat-tmaqdir tal-ispejjeż amministrattivi tal-istituzzjonijiet Ewropew, li huma ħafna inqas minn dawk tal-amministrazzjonijiet nazzjonali (pereżempju, in-numru ta’ impjegati tal-Kummissjoni Ewropea ma jaqbiżx dak tal-belt ta’ Pariġi!) il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu miżuri biex tintwera l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej fl-ekonomiji amministrattivi li adottaw l-Istati Membri. Fl-istess ħin, l-istituzzjonijiet, inkluż il-KESE, għandhom ikunu iktar attenti, fil-proċeduri ta’ reklutaġġ u ta’ promozzjoni, għall-prinċipji tal-opportunitajiet indaqs u ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fit-trattat. Madankollu, il-KESE jenfasizza li din il-governanza tajba tinkludi wkoll l-għoti tal-mezzi lis-soċjetà ċivili Ewropea biex tieħu sehem bis-sħiħ fid-dibattitu Ewropew.

6.2   L-għajnuna allokata mill-baġit Ewropew lill-Istati Membri għandha tkun soġġetta għal iktar kondizzjonijiet, l-iktar fir-rigward tar-rispett mill-benefiċjarji tar-regolamentazzjoni Komunitarja u tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, kif ukoll kompatibbiltà verifikata tal-għajnuniet Komunitarji mar-regoli tal-kompetizzjoni.

6.3   Fil-konfront tal-isfidi ta’ konverġenza tal-politiki ekonomiċi fil-qafas tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, l-għajnuna għandha tkun iċċentrata iktar fuq il-kondizzjonijiet tal-konformità mar-rekwiżiti tal-“Patt Euro Plus”.

6.4   L-għajnuna allokata lill-pajjiżi terzi għandha tiddependi mit-traċċabbiltà tal-użu finanzjarju, mir-rispett għall-impenji, l-iktar dawk marbuta mar-riformi ekonomiċi u soċjali biex jadattaw għall-ftuħ, mis-sħubijiet reċiproċi u mill-parteċipazzjoni tal-atturi soċjoprofessjonali tas-soċjetà ċivili.

6.5   L-iżvilupp tal-euro u l-ħtieġa li tiġi kkonsolidata l-koeżjoni taż-żona tal-euro fil-konfront tas-swieq joffru wkoll opportunitajiet li llum mhux qed jiġu sfruttati biżżejjed għall-politiki innovattivi tas-self fil-livell Ewropew, li jimmultiplikaw l-impatt tal-għajnuna tal-baġit Ewropew. Il-KESE jirrakkomanda li l-ewwel nett ikun hemm koordinazzjoni bejn il-BĊE, il-Grupp tal-euro u l-BEI. Bi pjaċir jilqa’ r-riżultati promettenti li nkisbu bl-ewwel eurobonds u jixtieq li ssir estensjoni għall-oqsma tat-taħriġ, ir-riċerka, l-industrija u l-infrastrutturi Ewropej. B’mod parallel, it-twaqqif ta’ dan it-“Teżor Ewropew” jista’ jintuża, jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stretti, biex tintrefa’ biċċa kbira mid-dejn tal-Istati Membri. Bis-saħħa ta’ dawn l-istrumenti għandha tiġi kkonfermata s-solidarjetà interna tal-Unjoni Ewropea filwaqt li jintwera l-impenn politiku tagħha favur l-irriversibbiltà tal-munita tal-euro.

6.6   Il-KESE jappella biex jiġu identifikati aħjar il-proġetti appoġġjati mill-Unjoni Ewropea b’tali mod li ssir enfasi fuq dawk li għandhom l-iktar valur miżjud Ewropew. Għalhekk, il-KESE jitlob għal iktar flessibbiltà fir-regola tal-“addizzjonalità” li m’għandhiex tiġi ġudikata proġett proġett, iżda b’mod globali fil-qafas tal-isħubijiet strateġiċi mal-Istati Membri.

6.7   It-tħaffif tal-proċeduri li jiddefinixxu l-prijoritajiet u l-allokazzjoni tal-krediti tista’ tippermetti wkoll li jiġu indirizzati ċerti ħtiġijiet. Il-KESE diġà rrakkomanda li jiġi esplorat ir-rikors iktar ġenerali kemm tal-aġenziji speċjalizzati kif ukoll permezz ta’ “sussidji globali” attribwiti lill-entitajiet qrib il-livell prattiku, bħar-reġjuni jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Din l-aħħar teknika, li l-KESE jippreferi, ġiet provata fir-rigward tal-politika reġjonali u tista’ tinfirex għall-azzjonijiet finanzjarji kollha tal-UE.

6.8   Għall-proġetti ta’ investiment importanti, ir-rikors għas-self tal-BEI kif ukoll għall-finanzjamenti privati għandu jitħeġġeġ ukoll b’qafas legali bħalma ppropona l-KESE f’Opinjoni reċenti (9). Bl-iżvilupp f’livell ġdid, dan ir-rikors għandu jippermetti il-konverġenza bejn id-dewmien Ewropew fl-infrastruttura u li jiġu ffinanzjati l-proġetti teknoloġiċi importanti li jiddeterminaw il-kompetittività tagħna fil-globalizzazzjoni.

6.8.1   Barra minn hekk, il-KESE jqis li s-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jistgħu jeħtieġu flessibbiltà aħjar u mekkaniżmi iktar adatti, bħall-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (10).

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni CESE “Ir-riforma fil-baġit tal-UE u l-finanzjament tiegħu fil-futur”, ĠU C 204, 9.8.2008, p. 113.

(2)  Opinjoni CESE “Ir-riforma fil-baġit tal-UE u l-finanzjament tiegħu fil-futur”, ĠU C 51, 17.2.2011, p. 29.

(3)  Rapport ta’ Cecchini dwar “Le coût de la non-Europe”, Paolo Cecchini, 1988

(4)  Opinjoni CESE “L-universitajiet għall-Ewropa”ĠU C 128, 18.5.2010, p. 48.

(5)  Opinjoni CESE “Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda”ĠU C 128, 18.5.2010, p. 74.

(6)  Opinjoni CESE “Ajru Uniku Ewropew”ĠU C 182, 4.8.2009 p. 50.

(7)  Opinjoni KESE “Insaħħu l-mudell agroalimentari Ewropew”ĠU C 18, 19.1.2011, p. 1.

(8)  Opinjoni tal-KESE “Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020”ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63.

(9)  Opinjoni tal-KESE “Investimenti pubbliku u privat”ĠU C 51, 17.2.2011, p. 59.

(10)  Opinjoni tal-KESE “Ir-riforma fil-baġit tal-UE u l-finanzjament tiegħu fil-futur”, ĠU C 204, 9.8.2008 p. 113.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju”

COM(2010) 715 finali

2011/C 248/14

Korelatur: is-Sur BARÁTH

Korelatur: is-Sur MANOLIU

Nhar it-8 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju

COM(2010) 715 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'150 vot favur, 3 voti kontra u 20 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja b'mod ċar u deċiż il-viżjoni ġdida tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika makroreġjonali u, f'dan il-kuntest, it-twaqqif ta’ Strateġija Ewropea għad-Danubju. Il-KESE, bħala r-rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, huwa ħerqan biex jaqdi rwol determinanti fit-tfassil u t-twettiq ta’ din l-Istrateġija, b'mod partikolari permezz tal-Forum għas-soċjetà ċivili previst fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ din l-Istrateġija.

1.2

L-interess tal-KESE fil-kwistjonijiet relatati mar-Reġjun tad-Danubju u l-impenn tiegħu favur dawn il-kwistjonijiet ma bdewx ilbieraħ. Fil-fatt, matul dawn l-aħħar snin, adotta bosta dokumenti li jittrattaw oqsma differenti, speċjalment it-trasport jew il-protezzjoni tal-ambjent. Fost l-oħrajn, nistgħu nsemmu l-opinjoni ECO/277 li turi b'mod ċar ir-raġunijiet għaliex il-KESE jqis li huwa importanti li tiġi definita Strateġija għar-Reġjun tad-Danubju.

1.3

Il-KESE iqis li, fil-kuntest tat-tfassil tal-Istrateġija għad-Danubju, jeħtieġ li jitqiesu r-rwol tax-xmara fit-tiswir ta’ kuxjenza u identità komuni għar-Reġjun tad-Danubju, li fihom id-djalogu interkulturali u s-solidarjetà jokkupaw post ċentrali. Dan huwa kontribut reġjonali għat-tiswir ta’ kuxjenza Ewropea komuni.

1.4

Il-KESE jittama li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jirriflettu b'mod adegwat l-impenn tal-Kumitat u tas-soċjetà ċivili organizzata favur l-Istrateġija, kif ukoll l-appoġġ sod li jagħtuha. Il-KESE jistenna li, bis-saħħa tal-implimentazzjoni tagħha u tal-Pjan ta’ Azzjoni u bl-għajnuna tas-sistema ta’ governanza fis-seħħ, din l-Istrateġija tkun kapaċi tikkontribwixxi tassew għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol taċ-ċittadini kollha tar-Reġjun tad-Danubju, li huwa jqis bħala l-mera tal-Ewropa, kif ukoll għat-tnaqqis tad-diskrepanza li teżisti bejn dan ir-reġjun u l-aktar reġjuni żviluppati tal-Unjoni. Il-Kumitat jistenna wkoll li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tikkunsidra l-esiġenzi tal-protezzjoni tal-ambjent, tiżgura l-preservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma u ssaħħaħ il-protezzjoni tal-wirt kulturali tar-Reġjun.

1.5

Ta' min jinnota li, bl-aħħar tkabbiriet tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċentru ġeografiku tagħha ċċaqlaq b'mod ċar lejn il-Lvant, filwaqt li ċ-ċentru tal-gravità ekonomika tagħha baqa' bħal qabel fl-Ewropa tal-Punent. Il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li hija element determinanti tal-Istrateġija għad-Danubju u l-Pjan ta’ Azzjoni, kif ukoll l-ideat fil-livell prattiku li jinsabu wara t-twettiq tagħhom, jiffurmaw kontribut adegwat għat-tneħħija ta’ dan l-iżbilanċ. Il-KESE jqis li l-approċċ makroreġjonali l-ġdid ser ikun jista' jservi ta’ mudell għal bosta reġjuni oħra tal-UE.

1.6

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni huma ta’ natura miftuħa u jilqgħu lil kulħadd, huma sensittivi għall-aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali u jirriflettu tajjeb ir-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-Istrateġija tkun effikaċi bil-kundizzjoni li, flok approċċ settorjali, tippreferi b'mod sistematiku approċċ integrat u sostenibbli. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istrateġija tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat trattament ta’ privileġġ għall-aktar gruppi soċjali żvantaġġati u li tintegra l-istrumenti tal-ġlieda kontra l-faqar.

1.7

Il-KESE iqis li l-Istrateġija tirrifletti l-politika l-ġdida tal-UE fil-livell makroreġjonali li qed titfassal bħalissa u, għaldaqstant, tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-attività tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni li diġà jeżistu fir-reġjun f'livelli differenti u f'diversi oqsma, kif ukoll għat-titjib tal-effikaċja tagħhom u t-tneħħija tal-isforzi doppji. Madankollu, jeħtieġ li tissaħħaħ il-koerenza mal-orjentazzjonijiet il-ġodda tal-politika ta’ koeżjoni.

1.8

Għall-KESE, is-sistema ta’ governanza tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija għandha tkun ċara, sempliċi u trasparenti, u għandha tagħmilha possibbli li jinkiseb suċċess fit-triq li twassal lejn l-ilħiq tal-objettivi. Il-KESE beħsiebu jippromovi l-użu eżawrjenti tal-possibbiltajiet li joffri t-Trattat ta’ Lisbona, billi japplika b'mod sistematiku l-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva u billi jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. Kundizzjoni importanti biex jinkiseb suċċess huwa li kull wieħed mill-atturi jiġi assoċjat u involut b'mod attiv permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija, li tingħata attenzjoni għall-flessibbiltà u li ssir reviżjoni perjodika. F'dan il-kuntest, il-KESE jinsab sodisfatt bil-ħolqien ta’ Forum tas-Soċjetà Civili dwar id-Danubju, forum li għalih il-Pjan ta’ Azzjoni jipprevedi rwol ewlieni għall-Kumitat u l-kontropartijiet nazzjonali tiegħu.

1.9

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Istrateġija, bħala politika ta’ żvilupp makroreġjonali, ser tikkontribwixxi fil-livell ta’ kontenut għat-tisħiħ tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea, b'mod partikolari fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 (għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv) u għat-tqarrib tas-sitt pajjiżi terzi tar-reġjun lejn l-Unjoni Ewropea billi tgħinhom fl-aspirazzjonijiet tagħhom għall-integrazzjoni.

1.10

Il-Kummissjoni qed tfassal din l-Istrateġija minħabba li r-reġjun mhu ser jibbenefika mill-ebda trattament speċjali, anke jekk dan jista' jfisser progress fil-politika makroreġjonali tal-UE. Għaldaqstant, minkejja l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, l-Istrateġija m'għandhiex tkun dik tar-rifjut triplu:

1)

l-Istrateġija ma tipprevedi l-ebda għajnuna Ewropea ġdida. Jistgħu jiġu mobilizzati aktar fondi mir-reġjun fil-livell internazzjonali, nazzjonali u reġjonali jew fil-livell tas-settur privat, iżda jeħtieġ li jiġi promoss użu aħjar tal-fondi eżistenti;

2)

il-KESE jqis il-koordinazzjoni tar-riżorsi finanzjarji bil-ħsieb tal-objettivi stabbiliti bħala titjib li, bis-saħħa ta’ reviżjoni kontinwa, ser jippermetti li jinkisbu possibbiltajiet ġodda ta’ finanzjament. Huwa jirrakkomanda li jitwaqqaf fond speċifiku;

3)

l-Istrateġija ma teħtieġ l-ebda bidla fil-leġislazzjoni tal-Unjoni, peress li din toħloq il-leġislazzjoni tagħha għas-27 Stat Membru u mhux għal makroreġjun biss; madankollu, il-KESE, bħalma diġà enfasizza fl-opinjoni tiegħu dwar l-Istrateġija għall-Baħar Baltiku (1), jirrakkomanda t-tisħiħ tar-riżorsi tas-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-Istrateġija tiġi akkumpanjata b'mod adatt;

4)

il-KESE jqis li, jekk ikun hemm bżonn, jistgħu jsiru modifiki min-naħa tal-partijiet interessati fil-kooperazzjoni territorjali msaħħa fil-livell reġjonali u nazzjonali jew f'livelli oħrajn, sabiex jiġu kkunsidrati ċerti objettivi speċifiċi;

5)

l-Istrateġija ma toħloqx strutturi oħra li huma fundamentalment differenti minn dawk magħrufin fil-prattika attwali tal-UE. L-Istrateġija hija implimentata minn strutturi ġodda ta’ koordinazzjoni għar-reġjun u minn entitajiet eżistenti, li għandhom jottimizzaw il-komplementarità tagħhom;

6)

fil-fehma tal-KESE, għandhom jitnaqqsu kemm jista' jkun l-obbligi amministrattivi; jeħtieġ li jinħoloq grupp ta’ riċerkaturi sabiex il-kwistjonijiet relatati mal-Istratreġija għad-Danubju jiġu analizzati u eżaminati b'mod xjentifiku. Ser ikollha titwaqqaf sistema ta’ għotjiet ta’ flus bħala kontribut għall-ħidma ta’ dan il-grupp.

2.   L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju: kummenti ġenerali

2.1

Il-KESE jinnota li r-Reġjun tad-Danubju nbidel b'mod konsiderevoli u li l-baċir tax-xmara llum il-ġurnata sar, fil-biċċa l-kbira, żona tal-Unjoni Ewropea. Jeżistu perspettivi ġodda biex tingħata tweġiba għall-isfidi u biex isir l-aħjar użu mill-potenzjal tar-reġjun. L-iżvilupp soċjoekonomiku, il-kompetittività, il-ġestjoni tal-ambjent kif ukoll it-tkabbir b'konsum baxx tal-enerġija jistgħu jissaħħu u s-sigurtà u l-kurituri tat-trasport jistgħu jiġu mmodernizzati.

2.2

L-Istrateġija (2), permezz tal-ħolqien ta’ qafas ta’ kooperazjoni fuq perjodu twil dwar firxa wiesgħa ta’ aspetti, għandha l-għan li tiżviluppa l-kultura soċjali u l-potenzjal ekonomiku immens tar-reġjun u li ttejjeb il-kundizzjonijiet ambjentali tiegħu.

2.3

Il-KESE jqis li l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju għandha l-vokazzjoni li taqdi rwol ewlieni fit-titjib tat-trasport sostenibbli, l-interkonnessjoni tas-sistemi tal-enerġija, il-protezzjoni tal-ambjent, il-preservazzjoni tar-riżorsi tal-ilma u l-ħolqien ta’ dinamika ġdida għan-negozju. Il-KESE jaqbel ukoll li din l-Istrateġija ser iġġib magħha valur miżjud ġdid billi tissorvelja l-koerenza bejn oqsma differenti ta’ politika u koordinazzjoni msaħħa bejn l-Istati li jieħdu sehem u billi tiddefinixxi approċċ integrat lejn l-iżvilupp sostenibbli.

2.4

Ir-Reġjun tad-Danubju huwa spazju storiku, soċjali, ekonomiku u funzjonali, delimitat mill-baċir tax-xmara tiegħu. L-Istrateġija twessa' dan l-approċċ sabiex il-prijoritajiet jiġu analizzati b'mod integrat. F'dan il-kuntest, jeħtieġ li tiġi stabbilita rabta bejn l-abitanti tar-reġjun, il-fehmiet tagħhom u l-bżonnijiet tagħhom. Sal-2020, iċ-ċittadini kollha tar-Reġjun għandhom igawdu minn prospetti aħjar għall-edukazzjoni għolja, l-impjieg u l-prosperità fiż-żona tad-dar tagħhom stess. Billi tqiegħed it-tkabbir sostenibbli fil-qalba tal-prijoritajiet tagħha, l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju ser tkun tista' tikkontribwixxi fil-wisgħa għat-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.5

Il-KESE jittama li, fil-kuntest tal-eżerċizzju li għaddej bħalissa, fin-nuqqas ta’ finanzjament ġdid għal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, armonizzazzjoni akbar tal-programmi adottati mill-Istati tar-Reġjun tad-Danubju ser tikkontribwixxi sabiex l-EUR 100 biljun allokati għar-Reġjun ikollhom impatt akbar. Għal dan il-għan, huwa importanti li jiġu definiti sinerġiji u kompromessi, bħal pereżempju l-iżvilupp ta’ teknoloġija ekoloġika avvanzata u kooperazzjoni bil-ħsieb ta’ armonizzazzjoni aħjar bejn il-miżuri u l-finanzjament tagħhom sabiex jiżdiedu l-konsegwenzi fuq il-post u t-tneħħija tal-frammentazzjoni.

2.6

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li, fid-dawl tal-possibbiltajiet ekonomiċi attwali, jintgħażel numru limitat ta’ proġetti b'rieda ta’ razzjonalizzazzjoni u li titwettaq analiżi tal-effikaċja. Hemm bżonn li jittieħdu miżuri konkreti u li jinħolqu garanziji adegwati bejn il-partijiet ikkonċernati sabiex isaħħu l-kooperazzjoni ekonomika u finanzjarja.

2.7

Il-KESE ma jeskludix il-possibbiltà li fil-livell politiku l-Istrateġija għad-Danubju li qed tiġi kkunsidrata jkollha tiġi implimentata fil-forma ta’ proċess li waqt l-applikazzjoni tiegħu jeħtieġ ċerta flessibbiltà kif ukoll reviżjoni regolari u, jekk ikun hemm bżonn, l-allokazzjoni ta’ aktar riżorsi finanzjarji u mhux.

2.8

Fil-fehma tal-KESE, il-koerenza fir-rigward tal-leġislazzjoni u l-azzjonijiet tal-Unjoni tinsab fil-qalba tal-Istrateġija. Jeħtieġ li b'mod kontinwu jsiru sforzi biex jingħelbu d-diskrepanzi fl-implimentazzjoni u biex jingħelbu d-diffikultajiet prattiċi u organizzattivi li jikkawżaw riżultati li mhumiex tajbin biżżejjed. Id-dimensjoni territorjali msaħħa ser tikkontribwixxi għall-kooperazzjoni kkoordinata, għall-emerġenza ta’ prinċipji ta’ organizzazzjoni tal-koordinazzjoni fir-regolamenti tal-Unjoni u t-tqegħid fil-prattika tal-obbligi legali tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tas-suq uniku u l-ambjent. Dan jista' jkun l-ewwel pass għall-ħolqien ta’ “kooperazzjoni msaħħa”.

2.9

Il-KESE huwa favur li l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju ssir parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, li hija l-impenn ewlieni tal-Unjoni favur tkabbir innovattiv, sostenibbli u inklużiv. Dan jista' joħloq preċedent għal strateġiji reġjonali oħrajn.

2.10

Il-KESE jaqbel li l-kooperazzjoni reġjonali fir-Reġjun tad-Danubju tikkontribwixxi għat-twettiq tal-ħames objettivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri l-promozzjoni tal-impjieg, it-titjib tal-kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u b'mod partikolari t-tixrid tat-teknoloġiji emerġenti, it-twettiq tal-objettivi relatati mat-tibdil fil-klima u mal-enerġija, it-titjib fil-livell ta’ edukazzjoni u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali speċjalment permezz tat-tnaqqis tal-faqar u ta’ soluzzjoni għall-isfida tat-tixjiħ.

3.   L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju: messaġġi, sfidi u problemi

3.1

Fl-Ewropa Ċentrali, it-tibdil drammatiku li seħħ fl-1989 ġab miegħu proċess ta’ trasformazzjoni fundamentali tas-soċjetà. Din is-sitwazzjoni titlob attenzjoni, peress li r-Reġjun tad-Danubju jinkludi Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni f'mumenti differenti, kif ukoll pajjiżi kandidati u pajjiżi terzi. Il-KESE josserva li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-pajjiżi qed jiffaċċjaw problemi simili iżda m'għandhomx l-istess riżorsi. L-iskambju ta’ prattika amministrattiva tajba huwa importanti biex jiġu żgruati s-sigurtà u s-sikurezza tar-reġjun, u biex tissaħħaħ l-integrazzjoni tiegħu fl-Unjoni.

3.2

Il-KESE joqgħod attent ħafna għad-diskrepanzi estremi li jikkaratterizzaw ir-Reġjun tad-Danubju fil-livell ekonomiku, soċjali u territorjali. Jeżistu differenzi notevoli bejn l-aktar reġjuni kompetittivi u l-aktar reġjuni foqra, il-popolazzjonijiet l-aktar ikkwalifikati u dawk li għandhom l-aktar livell baxx ta’ edukazzjoni, l-ogħla standards ta’ għajxien u dawk li huma l-aktar baxxi.

3.3

Il-komunitajiet emarġinati (b'mod partikolari r-Roma, li fil-biċċa l-kbira jgħixu fir-Reġjun) għandhom jibbenefikaw b'mod speċjali mill-possibbiltajiet li toffri l-Istrateġija Ewropa 2020. Id-diskrepanzi edukattivi u professjonali jistgħu jingħelbu. Ir-Reġjun tad-Danubju jista' jsir żona akatr sikura u anqas perikoluża, fejn il-kwistjonijiet ta’ kunflitti, marġinalizzazzjoni u kriminalità jiġu ttrattati b'mod adegwat. Jeħtieġ li tiġi stabbilita rabta bejn l-abitanti tar-reġjun, il-fehmiet tagħhom u l-bżonnijiet tagħhom. Fl-opinjoni tiegħu dwar “L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju” (3), il-KESE diġà rrakkomanda li jinħoloq “Forum tan-Negozju għad-Danubju (Danube Business Forum)”, li jinkludi l-parteċipanti soċjali u ekonomiċi u li jista' jsir strument importanti għall-kooperazzjoni u għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tar-Reġjun tad-Danubju.

3.4

Il-messaġġi ewlenin li twassal il-proposta għal Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju huma dawn li ġejjin:

1)

l-Istrateġija hija inizjattiva ta’ benefiċċju maħsuba biex issaħħaħ l-integrazzjoni tar-Reġjun fl-UE;

2)

l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi (inklużi l-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali) jikkommettu lilhom infushom fl-ogħla livell politiku;

3)

il-Kummissjoni għandha rwol essenzjali x'taqdi biex tiffaċilita l-proċess;

4)

ir-riżorsi eżistenti jistgħu jintużaw ħafna aħjar biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija;

5)

l-Istrateġija trid twassal għal titjib viżibbli u konkret għar-Reġjun u għan-nies tiegħu.

3.5

Il-KESE jaqbel li l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju għandha tagħti prijorità biex tindirizza l-isfidi kbar li ġejjin:

—   Il-mobbiltà: ix-Xmara Danubju stess hija kuritur TEN-T importanti, iżda madankollu hija użata ħafna anqas mill-kapaċità sħiħa tagħha. Għandu jkompli jiġi eżaminat kif il-punti ta’ konġestjoni magħrufa, fiżiċi u organizzattivi relatati mad-Danubju (inkluż it-Trattat ta’ Belgrad), jistgħu jitneħħew u f'dan ir-rigward għandhom jiġu kkunsidrati d-deċiżjonijiet nazzjonali u l-esiġenzi tal-protezzjoni tal-ambjent u tan-natura. Hemm bżonn ukoll ta’ intermodalità akbar u li tiġi modernizzata u estiża l-infrastruttura fil-punti ta’ trasport bħalma huma l-portijiet interni. Skont il-KESE, huwa ta’ importanza mill-akbar li l-kundizzjonijiet tal-mobbiltà tal-ħaddiema jittejbu u li jiġi ggarantit il-moviment ħieles tas-servizzi.

—   L-enerġija: il-prezzijiet huma relattivament għoljin fir-Reġjun u s-swieq frammentati qed iwasslu għal spejjeż ogħla u anqas kompetizzjoni. Il-livell tas-sigurtà tal-enerġija tar-Reġjun huwa baxx. Huwa importanti ħafna li tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, b'mod partikolari billi l-enerġija tiġi ffrankata u billi jintużaw aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabli. L-Istati li jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija għandhom jaqdu rwol ta’ tmexxija fit-tfassil tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, billi jiggarantixxu s-sigurtà tal-enerġija.

—   L-ambjent: fil-livell internazzjonali, ir-Reġjun tad-Danubju huwa baċir idroloġiku u kuritur ekoloġiku importanti, u dan jirrikjedi approċċ reġjonali u globali għall-konservazzjoni tan-natura, il-ġestjoni tat-territorju u tal-ilma. Jeħtieġ li wieħed joqgħod attent għall-esiġenzi soċjali kif ukoll li jiġi eżaminat l-impatt fuq l-ambjent tan-netwerks tat-trasport, il-kumplessi turistiċi u faċilitajiet ġodda għal-produzzjoni tal-enerġija. Jeħtieġ ukoll li jitqies il-Programm Natura 2000. L-isport akkwatiku u t-turiżmu akkwatiku sostenibbli, kif ukoll l-edukazzjoni dwar ir-rispett tal-ilma u n-natura huma elementi importanti li għandhom jitqiesu waqt it-tfassil tal-kurituri ekoloġiċi. Ir-riskji huma kbar: f'kuntest fejn l-għargħar, il-perjodi ta’ nixfa u l-każijiet ta’ tniġġis industrijali fuq skala żgħira jew kbira huma frekwenti, il-prevenzjoni, il-preparazzjoni u l-kapaċità ta’ reazzjoni effettiva bilfors jirrikjedu grad għoli ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni.

—   Kunsiderazzonijiet soċjoekonomiċi: ir-Reġjun tad-Danubju huwa kkaratterizzat minn diversità kulturali u lingwistika kbira iżda wkoll minn diskrepanzi soċjoekonomiċi kbar ħafna. Fi ħdanu jinsabu wħud mill-aktar reġjuni ta’ suċċess fl-Unjoni iżda wkoll uħud mill-aktar reġjuni foqra. Ħafna drabi hemm nuqqas ta’ kuntatti u ta’ kooperazzjoni effikaċi, kemm min-naħa finanzjarja kif ukoll minn dik istituzzjonali. Il-proporzjon ta’ nies bi kwalifiki għolja fir-Reġjun huwa anqas mill-medja tal-UE27. Il-mobbiltà hija għolja u l-aqwa ħaddiema ta’ spiss jitilqu mir-reġjun u jfittxu kundizzjonijiet soċjoeonomiċi aktar favorevoli.

—   Is-sigurtà, il-kriminalità serja u l-kriminalità organizzata: hemm problemi kbar u persistenti f'dan il-qasam. It-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu huma problemi speċifiċi f'bosta pajjiżi. Il-korruzzjoni tħassar il-fiduċja pubblika u xxekkel l-iżvilupp ekonomiku u soċjali.

3.6

Il-KESE huwa wkoll tal-fehma li r-Reġjun tad-Danubju għandu perspettivi straordinarji quddiemu, kemm fil-qasam tar-relazzjonijiet kummerċjali, tal-kapaċità tal-iżvilupp tas-sistema tat-tagħlim li hija msejsa fuq infrastrutturi muniċipali sodi u li ser twieġeb għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fil-ġejjieni, kif ukoll tal-użu ta’ dan il-potenzjal enormi li ġej mir-rikkezzi kulturali, etniċi u soċjali tar-Reġjun. L-ebda xmara oħra m'għandha l-istess numru ta’ bliet kapitali meraviljużi fuq xtutha. Ir-Reġjun għandu vantaġġi eċċezzjonali fil-qasam tat-turiżmu kif ukoll rigward l-użu tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija. Il-wirt ambjentali rikk tar-Reġjun tad-Danubju jitlob li l-kriterju tas-sostenibbiltà jingħata prijorità f'kull proġett ta’ żvilupp.

3.7

Il-ħidma fuq l-innovazzjoni, it-turiżmu, is-soċjetà tal-informazzjoni, il-kapaċitajiet istituzzjonali u l-komunitajiet emarġinati tista' twassal għal riżultati tajbin kemm-il darba ssir b'mod konġunt. Il-KESE jinsab konvint li, biex isir titjib effikaċi, irid ikun hemm komunikazzjoni u trasparenza, kif ukoll ippjanar, finanzjament u implimentazzjoni li jsiru b'mod ikkoordinat.

3.8

In-nuqqasijiet tas-suq, li għandhom oriġini esterna, huma ċari ħafna u jidhru fin-nuqqas ta’ investiment transkonfinali. Jeħtieġ li jitfasslu proġetti kbar u li dawn jiġu implimentati b'mod sostenibbli u effikaċi, u li l-ispejjeż u l-benefiċċji tagħhom jinqasmu.

3.9

Huwa essenzjali li fir-Reġjun tad-Danubju jkun hemm netwerks adatti, interni u konnessi ma’ reġjuni oħra tal-Ewropa jew tad-dinja. L-ebda żona m'għandha titħalla fil-ġenb. It-titjib tar-rotot bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-UE u tal-aċċess tal-pajjiżi mingħajr kosta għall-baċir tal-Mediterran ser isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi. Il-KESE jtenni l-appelli li għamel aktar kmieni f'dan ir-rigward permezz tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti mar-Rumanija (2002, 2005) u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2010). L-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport għadha tbati minn bosta nuqqasijet u difetti, minħabba nuqqasijiet fil-livell tal-kapaċitajiet u tal-kwalità u minħabba manteniment li mhuwiex sodisfaċenti. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex, bl-għajnuna tal-proposti tas-soċjetà ċivili, ifasslu soluzzjonijiet għal dawn in-nuqqasijet u difetti. L-irbit bejn in-nies għandu jissaħħaħ ukoll, b'mod partikolari bis-saħħa tal-kultura u tat-turiżmu.

3.10

Ir-riżorsi ambjentali huma wirt komuni li jmur lil hinn mill-fruntieri u mill-interessi nazzjonali tal-pajjiżi tar-Reġjun. L-attività tal-bniedem qed tagħmel pressjoni dejjem akbar fuq dawn ir-riżorsi. Huwa fundamentali li jkun hemm kooperazzjoni, għax mingħajrha n-negliġenza ta’ xi wħud malajr tħassar ir-riżultati tajbin tal-oħrajn. Għalhekk, l-istrutturi eżistenti għall-kooperazzjoni għandhom jissaħħu.

3.11

L-Istrateġija (4) tipproponi Pjan ta’ Azzjoni  (5) li l-pajjiżi u l-partijiet ikkonċernati għandhom jieħdu impenn sod lejh. Fl-Istrateġija, l-enfasi qiegħda fuq approċċ integrat imsejjes fuq l-ispazju u fuq rabtiet adatti bejn iż-żoni urbani u dawk rurali. Aċċess ugwali għall-infrastruttura u għas-servizzi kif ukoll kundizzjonijiet tal-għajxien paragunabbli ser jagħtu spinta lill-koeżjoni territorjali, li hija objettiv ċar tal-Unjoni.

3.12

Fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni, fi sħubija mal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-partijiet l-oħra kkonċernati, żammet il-proġetti (6) li joffru minnufih vantaġġi konkreti għall-abitanti tar-Reġjun u li għandhom impatt fuq il-Makroreġjun (jew parti kbira minnu).

3.13

Il-KESE jqis li għaldaqstant il-proġetti għandhom jippromovu l-iżvilupp sostenibbli u jkopru bosta reġjuni jew pajjiżi, jassoċjaw il-koerenza u s-sinerġiji, sabiex jinstabu soluzzjonijiet fejn il-partijiet interessati joħorġu lkoll rebbieħa, u jkunu realistiċi (proposti teknikament fattibbli u bbażati fuq finanzjament plawżibbli).

3.14

Il-KESE jaqbel li l-kwistjonijiet il-kbar jinqasmu f'erba' pilastri, li jiġbru flimkien kull wieħed mill-oqsma ta’ prijorità u oqsma differenti ta’ azzjoni, jiġifieri:

1)

Il-ħolqien ta’ rabtiet fir-Reġjun tad-Danubju, permezz tat-titjib tal-mobbiltà u l-multimodalità, il-passaġġi fuq l-ilma interni, u l-kollegamenti tat-toroq, tal-ferroviji u tal-ajru, sabiex titħeġġeġ aktar enerġija sostenibbli u ssir promozzjoni tal-kultura u tat-turiżmu kif ukoll tal-kuntatti bejn il-persuni;

2)

Il-protezzjoni tal-ambjent fir-Reġjun, billi tiġi restawrata u tinżamm il-kwalità tal-ilmijiet, filwaqt li jiġu amministrati r-riskji ambjentali u li jiġu ppreservati l-bijodiversità, il-pajsaġġi u l-kwalità tal-arja u tal-ħamrija;

3)

L-ixprunar tal-prosperità fir-reġjun, billi s-soċjetà tal-għarfien tiġi żviluppata permezz tar-riċerka, l-edukazzjoni u t-teknoloġija tal-informazzjoni u billi l-kompetittività tal-intrapriżi tiġi appoġġjata, b'mod partikolari permezz tat-tfassil ta’ raggruppamenti u l-investiment fir-riżorsi umani u l-kompetenzi;

4)

It-tisħiħ tar-Reġjun tad-Danubju, billi jiżdiedu l-kapaċitajiet istituzzjonali u l-kooperazzjoni, filwaqt li ssir ħidma f'daqqa għall-promozzjoni tas-sigurtà u s-soluzzjoni tal-problemi li jġibu magħhom il-kriminalità serja u l-kriminalità organizzata.

3.15

Fil-fehma tal-KESE, ir-Reġjun tad-Danubju, li qed jiżviluppa u jistagħna, għandu l-ewwel u qabel kollox jimmira lejn l-iżvilupp ikkoordinat tar-rotot tat-trasport mit-Tramuntana lejn in-Nofsinhar u tal-infrastruttura insuffiċjenti tal-enerġija kif ukoll tan-netwerks interkonnessi, filwaqt li juża l-interessi makroreġjonali bħala ġustifikazzjoni. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda li jiġi stabbilit pjan ta’ salvagwardja għall-baċiri idrografiċi u t-tributarji tad-Danubju fil-każ li x-xmara tiġi żviluppata mqar bħala rotta tat-trasport. L-Istrateġija tipproponi wkoll li jinħoloq netwerk bejn l-SMEs tal-pajjiżi parteċipanti tar-Reġjun tad-Danubju u tistabbilixxi l-objettiv li, fuq il-bażi ta’ ekonomija ekoloġika, tan-netwerks ta’ riċerkaturi u tat-taħriġ, inkluż it-taħriġ vokazzjonali, jitneħħew l-ostakli għall-kooperazzjoni.

4.   Il-kwistjonijiet relatati mal-finanzjament, il-leġislazzjoni tal-UE u l-istrutturi istituzzjonali tal-Unjoni

4.1

L-Istrateġija għandha l-għan li tagħmel l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli, permezz ta’ sforzi koerenti, speċjalment fir-rigward tal-oqsma ta’ azzjoni u l-finanzjament. L-azzjonijiet huma komplementari. Il-partijiet ikkonċernati kollha għandhom jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom. Dimensjoni territorjali msaħħa ser tagħmilha possibbli li jiġi adottat approċċ integrat, ser tippromovi aktar il-koordinazzjoni tal-politiki settorjali u ser tikkontribwixxi għall-ħolqien u l-iżvilupp ta’ Ragruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) fil-livell makroreġjonali.

4.2

Il-KESE jqis li l-grupp ta’ ħidma ta’ livell għoli li ser jinħoloq biex jiddefinixxi r-regolamentazzjoni u jidentifika l-kwistjonijiet ewlenin jista', flimkien mal-koordinaturi responsabbli għat-temi differenti, iħaddan din il-forma ta’ kooperazzjoni istituzzjonalizzata fil-livell makroreġjonali, li aktarx tiġi appoġġjata wkoll mill-bidliet leġislattivi li jafu jseħħu fir-Reġjun.

4.3

Jekk ikun hemm bżonn u b'konformità mal-oqfsa ġenerali, l-implimentazzjoni tal-istrateġija hija bbażata fuq il-mobilizzazzjoni tal-fondi eżistenti u t-tlaqqigħ tagħhom mal-objettivi. Diġà saru disponibbli ammonti kbar fil-qafas ta’ bosta programmi tal-Unjoni (pereżempju EUR 100 biljun mill-Fondi Strutturali 2007-2013, kif ukoll fondi kbar permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) u tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI)).

4.4

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal-fatt li l-allokazzjoni mill-ġdid tal-fondi għandha ssir biss fuq il-bażi ta’ analiżi tal-effikaċja li turi li r-riżorsi li jkunu se jitneħħew minn oqsma oħra jkunu tassew ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi.

4.5

Il-KESE jqis li għandha tingħata l-attenzjoni meħtieġa għall-mezzi ta’ finanzjament li jassoċjaw is-sussidji u s-self. Jistgħu wkoll jiġu mobilizzati riżorsi nazzjonali, reġjonali u lokali. Fil-fatt, huwa importanti li jkun hemm aċċess għal fondi ta’ sorsi differenti, speċjalment li jkunu ġejjin minn sorsi pubbliċi u privati li ma joperawx fil-livell tal-Unjoni. Barra li wieħed għandu jqis li jkun hemm użu aktar effikaċi tar-riżorsi, ta’ min jagħti attenzjoni għat-tqassim tar-riskju fil-qasam tal-finanzjament.

4.6

Il-KESE jqis li l-koordinazzjoni tal-oqsma ta’ azzjoni hija kompitu tal-Kummissjoni u li l-Istati Membri, wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni kif ukoll lill-aġenziji u l-korpi reġjonali kkonċernati, għandhom jingħataw il-kariga li jikkoordinaw kull qasam ta’ prijorità.

4.7

Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tiddependi minn kulħadd, fil-livell nazzjonali, reġjonali, muniċipali u lokali. L-azzjonijiet (li jiddefinixxu l-objettivi li jridu jintlaħqu) għandhom jieħdu l-forma ta’ proġetti konkreti (dettaljati, ġestiti minn direttur ta’ proġett u attrezzati bi skeda u b'finanzjament).

4.8

Il-KESE jittama li l-Istrateġija tipprovdi qafas sostenibbli għall-integrazzjoni strateġika u l-iżvilupp koerenti tar-Reġjun tad-Danubju, billi tistabbilixxi l-prijoritajiet tal-azzjonijiet maħsuba biex jibdlu r-Reġjun tad-Danubju f'reġjun tal-Unjoni li jħares lejn is-seklu XXI. Għandha tkun akkumpanjata minn sforzi kbar u minn numru biżżejjed ta’ azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità sabiex l-objettivi tagħha jinxterdu fil-wisgħa u jiġu implimentati fil-prattika.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 339/07, 14.12.2010, p. 29.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju (SEC(2010) 1489 finali), (SEC(2010) 1490 finali), (SEC(2010) 1491 finali).

(3)  ĠU C 48/02, 15.02.2011, p.2.

(4)  L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju hija ppreżentata f'żewġ dokumenti: (1) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u (2) il-Pjan ta’ Azzjoni li jakmpanja u jikkompleta din il-Komunikazzjoni.

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju (COM(2010) 715 finali) (SEC(2010) 1489 finali), (SEC(2010) 1490 finali), (SEC(2010) 1491 finali).

(6)  Il-promozzjoni tal-idea ta’ forum ċivili tad-Danubju, li jkun pilastru tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-Istrateġija.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li ġejja ġiet irrifjutata fis-sessjoni plenarja għalkemm irċiviet mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Punt 3.8 —   Emenda mressqa mis-Sur Ribbe

Ibdel il-punt 3.8 kif ġej:

In-nuqqasijiet tas-suq, li għandhom oriġini esterna, huma ċari ħafna u jidhru fin-nuqqas ta’ investiment transkonfinali.

Raġuni

1.)

“Large projects” are no doubt also urgently needed in the Danube region, but it is not clear what is meant by large projects. Since such a large - indeed mega - project is specifically mentioned in point 3.9, the EESC should be wary of creating the impression that it believes major projects like that described drive development. Small and medium-sized projects are far more suited to generating new jobs while being compatible with sustainability and environment goals. Thus in Bulgaria, where restrictions have been introduced on extending renewable energy owing to inadequate energy networks, investment in implementing new energy concepts would be helpful. But this is probably not what is meant here.

2.)

It is not clear what the co-rapporteurs mean by sharing costs and benefits: who is to pay for large projects, and who is to share out the profits and how?

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

:

68

Kontra

:

71

Astensjonijiet

:

26


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea”

COM(2010) 543 finali

2011/C 248/15

Relatur: is-Sur PEGADO LIZ

Nhar it-8 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti fl-Unjoni Ewropea

COM(2010) 543 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'128 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-interess li wriet il-Kummissjoni, mhux biss f'din il-Komunikazzjoni iżda wkoll fid-dokumenti tagħha dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Att dwar is-Suq Uniku, dwar it-tisħiħ tal-proċeduri politiċi, leġislattivi u amministrattivi biex jiġi żgurat li l-liġi Komunitarja tinħoloq u tiġi applikata b'mod iktar razzjonali u adegwat fiċ-ċiklu kollu tal-politika, mit-tfassil sal-implimentazzjoni, mill-korpi kompetenti tal-Istati Membri u l-valutazzjoni finali tal-konformità ma’ din il-liġi mill-benefiċjarji aħħarin tagħha.

1.2

Madankollu, il-Kumitat ma jifhimx il-ħtieġa li terminu ġdid jissostitwixxi t-terminu “regolamentazzjoni aħjar”; sakemm dan mhuwiex il-każ għax il-Komunikazzjoni li qed tiġi analizzata hija sempliċement dokument ta’ politika.

1.3

Il-KESE jinsab sodisfatt peress li għadd ta’ suġġerimenti li huwa għamel fl-opinjonijiet tiegħu dwar il-kwistjoni ttieħdu inkonsiderazzjoni u jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjonijiet li jittejjeb il-monitoraġġ tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, li l-istudji tal-impatt isiru iktar rigorużi, li jiġi żgurat li l-valutazzjonijiet ex-post ikunu iktar strateġiċi u integrati u jinvolvu lill-Istati Membri u lill-parlamenti tagħhom b'mod iktar attiv, billi dawn tal-aħħar jingħataw iktar responsabilità u billi jingħataw appoġġ għall-ħidma tagħhom fil-qasam leġislattiv. Il-Kumitat jinsab partikolarment sodisfatt bil-proposta biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ikbar mill-pubbliku u minn partijiet interessati oħra fl-abbozzar, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja, b'mod speċifiku billi l-perjodi ta’ konsultazzjoni pubblika jiġu estiżi u billi l-proċedimenti ta’ ksur isiru iktar sempliċi u effettivi.

1.4

Madankollu, il-Kumitat iqis li l-Komunikazzjoni ma tissodisfax l-aspettattivi fir-rigward tal-provvediment ta’ mezzi adegwati biex jiġu fformalizzati l-aspetti leġislattivi tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, jew sempliċement fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżuri li huma prijoritajiet taħt l-Att dwar is-Suq Uniku.

1.5

Il-KESE jemmen li huwa kruċjali li l-Komunikazzjoni tiġi segwita bi pjan ta’ azzjoni ġenwin li jistabbilixxi objettivi, jissuġġerixxi miżuri, jidentifika strumenti, jivvaluta l-impatt, jiddefinixxi alternattivi u jistabbilixxi r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji. Dan ser jeħtieġ diskussjoni estensiva minn qabel mas-soċjetà ċivili fil-livell Komunitarju, nazzjonali, reġjonali u lokali.

1.6

Għalhekk, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, f'verżjonijiet futuri tal-Komunikazzjoni, tagħti attenzjoni partikolari lil-linji gwida ġenerali stabbiliti f'din l-opinjoni u biex tiġġustifika l-pożizzjonijiet li ilha ssostni għal xi snin f'dan il-qasam.

1.7

B'mod partikolari, il-KESE jikkunsidra li aspetti bħalma huma l-mod kif jitwettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt ex-ante mill-istituzzjonijiet kollha tal-Komunità li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom, in-natura u s-sħubija tal-korp responsabbli għall-monitoraġġ tal-valutazzjoni tal-impatt, il-parametri użati, speċjalment fir-rigward tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, u l-mezzi u l-modi li bihom tiġi żgurata iktar trasparenza, għandhom jiġu definiti b'mod iktar ċar. Is-setturi tal-finanzi, tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali għandhom jiġu indirizzati wkoll b'mod aktar dettaljat u speċifiku għas-settur. Għandhom jiġu definiti b'mod iktar ċar ukoll il-kriterji li fuqhom għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-prijoritajiet, il-mekkaniżmi għall-valutazzjoni u l-ipproċessar tal-ilmenti, l-istrumenti li jiddeterminaw il-ksur b'mod awtomatiku u l-mezzi li bihom titjieb il-ħidma tal-qrati nazzjonali u strumenti komplementari oħra.

1.8

Fl-aħħar nett, il-Kumitat huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni ma tatx kas għadd ta’ aspetti importanti u għalhekk jitlob li dawn jiġu diskussi kif suppost u inklużi b'mod speċifiku. Dan japplika: għall-indiċijiet u l-parametri biex titkejjel il-kwalità tat-testi legali; għall-miżuri prattiċi biex tiġi ssemplifikata l-leġislazzjoni; għan-nuqqas inspjegabbli li jintgħażel strument “regolatorju”, speċjalment biex tinkiseb armonizzazzjoni sħiħa fi kwistjonijiet li huma relatati mal-ikkompletar tas-suq intern; għat-tneħħija inesplikabbli tal-alternattiva tal-iskemi fakultattivi; għar-rwol tal-awtroregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjoni; għat-tneħħija sorprendenti ta’ kwalunkwe referenza għall-ħidma estremament importanti li titwettaq taħt il-Qafas Komuni ta’ Referenza; u għall-proposti li attwalment qed jiġu diskussi dwar armonizzazzjoni ikbar tal-Liġi Kuntrattwali Ewropea.

1.9

Madankollu, il-KESE jqis li l-Komunikazzjoni hija l-iktar dgħajfa fir-rigward tal-applikazzjoni adegwata tal-leġislazzjoni Komunitarja. Għalhekk il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina mill-qrib il-kawżi fundamentali tal-applikazzjoni mhux sodisfaċenti, b'mod universali, tal-acquis Komunitarju, fatt li jibqa’ jiġi kkonfermat kull sena fir-rapporti dwar din il-kwistjoni. Il-KESE jixtieq ukoll li l-Kummissjoni tikkunsidra kif xieraq il-bosta kontributi u rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat f'opinjonijiet differenti, u li twettaq studju sistematiku tal-miżuri meħtieġa biex twettaq bidla sostanzjali fis-sitwazzjoni attwali.

2.   Introduzzjoni: kunċett u sfond

2.1

Skont il-Komunikazzjoni li qed tiġi analizzata, “regolamentazzjoni intelliġenti” għandha tfisser regolamentazzjoni:

li tikkonċerna ċiklu sħiħ tal-politika - mit-tfassil ta’ leġislazzjoni, għall-implimentazzjoni, l-infurzar, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni;

li għandha tibqa’ responsabilità kondiviża tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri;

li fiha l-opinjonijiet ta’ dawk l-iktar milquta mir-regolamentazzjoni għandhom rwol prinċipali x'jaqdu, billi jkun hemm il-ħtieġa li leħen iċ-ċittadini u l-partijiet interessati jissaħħaħ iktar.

2.2

Il-Kummissjoni tqis li, kif stqarru bosta drabi u b'mod insistenti r-rappreżentanti tagħha fil-laqgħat preparatorji għal din l-opinjoni tal-KESE, dan huwa sempliċement dokument ta’ politika u mhux dokument tekniku, u għalxejn wieħed jistenna li din l-opinjoni tipprovdi definizzjoni stretta ta’ “regolamentazzjoni intelliġenti”.

2.3

Madankollu, l-inizjattiva attwali dwar ir-“regolamentazzjoni intelliġenti” hija s-suċċessur tal-eżerċizzju tar-“regolamentazzjoni aħjar”, li għalih l-istituzzjonijiet Komunitarji b'mod ġenerali u l-Kummissjoni b'mod partikolari ħadmu b'mod konsiderevoli, b'suċċess, tul dawn l-aħħar 10 snin, hekk kif għamel il-KESE, li minn dejjem appoġġja u ħeġġeġ l-inizjattiva, kif jidher b'mod ċar f'għadd ta’ opinjonijiet (1).

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-qasam leġislattiv attwali tal-Komunità jeħtieġ konsiderazzjoni ddettaljata tat-tfassil, l-abbozzar, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġijiet, u l-istess konsiderazzjoni għandha tingħata lill-proċess tar-reviżjoni u s-semplifikazzjoni.

3.2

Għalhekk il-KESE jikkunsidra li l-kwistjoni titlob diskussjoni fid-dettall, li tinvolvi lis-soċjetà ċivili, mhux biss minħabba li l-konsegwenzi tal-leġislazzjoni Komunitarja għandhom impatt fuq is-soċjetà ċivili, iżda wkoll minħabba li l-involviment tagħha jista' jkun ta’ kontribut deċiżiv għat-titjib mixtieq fil-qafas regolatorju eżistenti.

3.3

Fid-dawl ta’ dan kollu, jidher li l-Komunikazzjoni, li hija sempliċement dokument ta’ politika, tonqos milli tissodisfa dak li huwa meħtieġ. Għalkemm toffri biżżejjed proposti u intenzjonijiet tajbin hemm nuqqas ta’ miżuri tanġibbli u strumenti effettivi.

3.4

B'mod ġenerali, peress li hija sempliċement dokument ta’ politika, ser ikollha bżonn tiġi kkomplementata minn programm reali li jiddikjara l-għanijiet, jagħti forma lill-miżuri proposti, jidentifika l-istrumenti meħtieġa u jivvaluta l-impatti potenzjali. Il-programm għandu jistabbilixxi l-alternattivi u r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji.

3.5

Il-KESE sinċerament jilqa' l-analiżi li hija l-bażi tal-Komunikazzjoni u l-objettivi li hija tipproponi. Il-KESE ma jifhimx għalfejn it-terminu “regolamentazzjoni aħjar” għandu jiġi sostitwit bit-terminu “regolamentazzjoni intelliġenti”, sakemm mhux għax dan huwa sempliċement dokument ta’ politika.

3.6

Għalhekk, il-KESE jikkunsidra li huwa utli li jerġa’ jsemmi l-punti li ressaq dwar dan is-suġġett:

a)

applikazzjoni iktar stretta tal-prinċipji ta’ “regolamentazzjoni aħjar”;

b)

trasparenza ikbar fil-livelli kollha tal-abbozzar tal-leġislazzjoni;

c)

għażla aħjar ta’ strumenti legali, inklużi mekkaniżmi għall-awtoregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjoni;

d)

l-iżvilupp ta’ sistema ta’ monitoraġġ iktar sistematika għat-traspożizzjoni tad-direttivi fil-livell nazzjonali;

e)

ir-rwol il-ġdid u s-setgħat ikbar tal-parlamenti nazzjonali, mogħtija lilhom mit-Trattat ta’ Lisbona, għandhom jingħataw l-importanza dovuta;

f)

għandu jsir użu iktar regolari mill-komunikazzjonijiet interpretattivi tal-Kummissjoni;

g)

ser ikun hemm ukoll il-ħtieġa ta’ sforzi ikbar għas-semplifikazzjoni u l-kodifikazzjoni tal-leġislazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

A.   Aspetti li għandhom jintlaqgħu

4.1

Il-kummenti speċifiċi għandhom jenfasizzaw għadd ta’ aspetti pożittivi tal-Komunikazzjoni, li għandhom jintlaqgħu u jiġu appoġġjati.

4.2

Primarjament, hemm il-proposta li s-sussidjarjetà u l-proporzjonalità jiġu mmonitorjati iktar mill-qrib u li titjieb il-kwalità tat-testi legali, speċifikament permezz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt iktar rigorużi.

4.3

Hemm ukoll l-intenzjoni li jitkomplew il-programmi biex tiġi ssemplifikata l-leġislazzjoni u biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi mhux neċessarji b'tal-anqas 25 %.

4.4

Għandha tintlaqa’ wkoll l-idea ta’ valutazzjoni ex-post iktar strateġika u integrata, li ma tikkunsidrax biss il-qafas leġislattiv eżistenti iżda wkoll l-implikazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali rilevanti u ma titwettaqx sempliċement fuq bażi ta’ każ b'każ u fuq bażi iżolata għal kull inizjattiva leġislattiva.

4.5

Għandhom jintlaqgħu b'mod speċjali l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jħeġġu lill-Istati Membri jassumu r-responsabilitajiet tagħhom fil-proċess leġislattiv, billi jinvolvu lill-parlamenti nazzjonali fl-abbozzar tat-testi legali, u b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 13 tiegħu, b'konformità mas-setgħat il-ġodda mogħtija lilhom mit-TFUE.

4.6

Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni hija lesta toffri appoġġ lill-bosta korpi ta’ Stati Membri involuti fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis Komunitarju, iżda hija lesta wkoll tiżgura l-parteċipazzjoni tal-pubbliku u ta’ partijiet interessati oħra fid-diskussjonijiet li għandhom jitwettqu f'kull Stat Membru bħala parti mill-proċess tat-tħejjija tal-leġislazzjoni Komunitarja, u fit-traspożizzjoni u l-inkluzjoni ta’ dawn il-liġijiet fil-leġislazzjoni nazzjonali.

4.7

Hija milqugħa b'mod partikolari d-determinazzjoni tal-Kummissjoni biex tissemplifika l-proċedimenti ta’ ksur u tistabbilixxi prijoritajiet, filwaqt li tkompli tagħmel użu mis-SOLVIT, peress li hemm bżonn tingħata spinta ġdida u li jkun hemm aktar tqassim u kredibbiltà fost il-partijiet interessati.

4.8

Ta' min ifaħħar ukoll l-estensjoni tal-limitu ta’ żmien allokat għall-konsultazzjoni pubblika, li minn 8 ġimgħat ġie estiż għal 12-il ġimgħa, biex b'hekk jissaħħaħ “iktar il-leħen taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati”. Il-KESE jikkunsidra li din il-miżura ma tistax tinfired min dak li attwalment insibu fl-Artikolu 11 tat-Trattat ta’ Lisbona, bħala kontribut għall-ksib tad-demokrazija parteċipattiva fl-UE.

B.   X'jista' jitjieb

4.9

Il-KESE jifhem għalfejn il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-kontroll tal-valutazzjonijiet tal-impatt għandu jibqa’ jitwettaq mill-kumitat intern responsabbli għall-kwistjoni. Madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-opinjonijiet espressi fil-proċess tal-konsultazzjoni pubblika biex b'hekk il-monitoraġġ jitwettaq minn korp estern indipendenti. Inkella, jista' jinħoloq korp intern, b'rappreżentanti mill-Istati Membri kollha. Fi kwalunkwe każ, il-mandat tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt jeħtieġ jissaħħaħ permezz ta’ mekkaniżmu li jkun jeħtieġ li jitwettqu l-valutazzjonijiet tal-impatt. Barra minn hekk, il-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt m'għandux is-setgħa li jissospendi temporanjament ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt u l-proposta leġislattiva relatata f'każ li l-analiżi tiegħu toħroġ fid-dieher nuqqasijiet maġġuri fix-xogħol ta’ riċerka li twettaq. Dawn huma kwistjonijiet li jeħtieġu diskussjoni iktar fil-fond, ladarba, hekk kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, dawn huma “element prinċipali ta’ din is-sistema”.

4.10

Barra minn hekk, rapport reċenti li sar mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri jikkonkludi li l-Kummissjoni Ewropea ma tqisx li hemm bżonn konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt, minkejja t-talbiet frekwenti tal-partijiet interessati. Il-konsultazzjoni dwar l-abbozz ta’ rapporti tal-valutazzjoni tal-impatt tista' ttejjeb il-proċess mil-lat tal-partijiet interessati, u b'hekk jiġi żgurat li l-“aħjar prodott” ikun jista' mbagħad jiġi introdott fil-proċess koleġislattiv li jinvolvi lill-Kunsill tal-Ministri u lill-Parlament Ewropew.

4.11

L-istess rapport tal-Qorti tal-Awdituri enfasizza b'mod evidenti li wieħed min-nuqqasijiet prinċipali fis-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt tal-UE huwa l-fatt li la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma janalizzaw sistematikament l-impatt tal-emendi tagħhom stess. Il-KESE jistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jipproduċu u jippubblikaw sommarji tal-valutazzjonijiet tal-impatt tagħhom stess, li l-qarrejja jkunu jistgħu jifhmu faċilment, u li jżommu mal-Ftehim Interistituzzjonali (2).

4.12

Il-Komunikazzjoni ma tinkludix il-parametri li jistgħu jintużaw fil-valutazzjonijiet tal-impatt li hija tixtieq twettaq (3).

4.13

Fir-rigward tat-titjib fit-trasparenza tas-sistema, il-Kummissjoni għandha tiddikjara kif u b'liema mezzi beħsiebha tikseb dan.

4.14

Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, ikun utli jekk il-Kummissjoni tispeċifika kif u b'liema mezzi beħsiebha tikseb dan ukoll.

4.15

Il-kriżi ekonomika attwali wriet li r-rwol tar-regolamentazzjoni tal-atturi tas-suq għandu jerġa' jiġi kkunsidrat, u l-eżerċizzju l-ġdid tar-“regolamentazzjoni intelliġenti” konsegwentement għandu jiġi indirizzat kemm fuq bażi ta’ settur b'settur kif ukoll fuq bażi transsettorjali, u l-Komunikazzjoni għandha bżonn tagħti attenzjoni partikolari lis-setturi tal-finanzi, tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali.

4.16

Fir-rigward ta’ kif għandha teżerċita s-setgħat tagħha rigward il-ksur, b'mod partikolari l-miżuri organizzattivi interni li jippermettuha twettaq ħidmietha b'mod effettiv u imparzjali, b'konformità mat-Trattat (4), huwa rakkomandat li l-Kummissjoni tipprovdi dettall dwar il-kriterji ta’ prijorità, il-mekkaniżmi ta’ valutazzjoni, l-analiżi tal-ilmenti, strumenti speċifiċi li jaqbdu l-ksur b'mod mhux uffiċjali, mezzi biex tittejjeb l-azzjoni tal-qrati nazzjonali u strumenti oħra komplementari (SOLVIT, FIN-NET, ECC-NET, mezzi alternattivi u ekstraġudizzjali).

C.   X'hemm nieqes

4.17

Fir-rigward tat-titjib tal-kwalità tat-testi legali, ma ngħatat l-ebda indikazzjoni tal-fatturi u l-parametri li jistgħu jintużaw biex jiġi vvalutat dan il-proċess.

4.18

Fir-rigward tal-kwistjoni tas-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni, ma saret l-ebda referenza għar-rekwiżit li jidher pjuttost ovvju għal miżuri tanġibbli, bħal pereżempju:

il-ħidma fuq kodifikazzjoni ġenwina u dettaljata, u mhux sempliċement ġabra ta’ testi;

il-pubblikazzjoni ta’ testi kompluti meta jkunu ġew riveduti u emendati, minflok li jsir sempliċi “paragun” jew li ssir referenza għal artikoli minn biċċiet differenti tal-leġislazzjoni.

4.19

Ma jingħata l-ebda rikonoxximent evidenti lill-alternattiva għal strument regolatorju meta mqabbel mal-użu tad-direttivi, minkejja li dan l-approċċ jagħmel parti mill-Istrateġija Ewropa 2020.

4.20

Ma ġiet stabbilita l-ebda rabta mal-ħidma estremament importanti li twettqet fuq il-Qafas Komuni ta’ Referenza jew mal-proposti reċenti tal-Kummissjoni li qed jiġu diskussi bħalissa biex tkompli tiġi armonizzata l-Liġi Kuntrattwali Ewropea (5).

4.21

Ma saret l-ebda referenza għall-ħtieġa li tingħata konsiderazzjoni b'mod sistematiku lill-għażla tat-“28 reġim”, għall-inizjattivi koperti mir-“Regolamentazzjoni aħjar” (6).

4.22

Huwa sorprendenti wkoll il-fatt li l-Komunikazzjoni ma tgħid xejn dwar ir-rwol tal-awtoregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjoni u dwar il-konsiderazzjoni li jeħtieġ li tittieħed minn qabel dwar dak li jista' jissolva b'mod utli permezz tal-hekk imsejħa “liġi mhux vinkolanti” (soft law), minflok l-użu tar-regolamentazzjoni.

4.23

Madankollu, il-Komunikazzjoni tidher li hija l-iktar dgħajfa fil-qasam tal-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja. F'dan ir-rigward, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-opinjonijiet tiegħu dwar dan is-suġġett (7) u għall-konklużjonijiet tal-konferenza reċenti li ġiet organizzata mill-Presidenza Belġjana dwar il-kwistjoni (8).

4.24

Ir-rapport tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ottubru 2010 (9) dwar l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE huwa partikolarment importanti f'dan ir-rigward. Juri li, minkejja l-fatt li kien hemm titjib iżgħar meta mqabbel ma’ dak tas-sena preċedenti, medja ta’ 51 % tal-miżuri għat-traspożizzjoni meħtieġa kienu tardivi u l-medja ta’ żmien biex jiġu finalizzati l-proċedimenti ta’ ksur kien ta’ 24 xahar.

4.25

F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tonqos milli ssemmi kwalunkwe kawża fundamentali tal-implimentazzjoni inadegwata b'mod mifrux tal-acquis Komunitarju fl-Istati Membri, kwistjoni li l-KESE kkummenta dwarha f'diversi okkażjonijiet u li tista' biss tiġi spjegata mill-fatt li dan huwa sempliċement dokument ta’ politika. Madankollu, minħabba l-importanza tiegħu fil-kuntest tar-regolamentazzjoni intelliġenti, ta’ min jenfasizza l-aspetti li ġejjin:

a)

l-inkorporazzjoni inkorretta jew inkompleta tar-regolamenti Komunitarji fil-leġislazzjoni nazzjonali, fejn spiss jitqiesu bħala mhux mixtieqa jew li jmorru kontra d-drawwiet u l-interessi nazzjonali;

b)

in-nuqqas ta’ rieda politika min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkonformaw u jiżguraw konformità mar-regoli li ma jikkumplementawx il-korp tal-liġi nazzjonali u t-tradizzjonijiet nazzjonali;

c)

it-tendenza persistenti li jiżdiedu mekkaniżmi regolatorji ġodda mhux meħtieġa fir-regoli Komunitarji jew li jintgħażlu biss xi partijiet minn dawn ir-regoli (“gold plating” u “cherry picking”) u saħansitra jiġi rrakkomandat li, apparti t-tabelli ta’ korrelazzjoni li l-Istati Membri għandhom jipproduċu, kif stabbilit fil-Ftehim Interistituzzjonali (10) u l-Ftehim Qafas bejn il-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew, l-Istati Membri għandhom jintalbu jispeċifikaw liema dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni trasposta tagħhom jikkostitwixxu każijiet ta’ regolamentazzjoni żejda;

d)

in-nuqqas ta’ preparazzjoni speċifika adegwata min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali biex l-acquis Komunitarju jinftiehem u tiġi żgurata l-applikazzjoni tiegħu;

e)

it-taħriġ li xi kultant ma jkunx speċifiku biżżejjed ta’ xi mħallfin u atturi oħra fis-sistema ġudizzjarja (avukati, uffiċjali tal-qorti, eċċ.), f'ċerti oqsma tal-liġi Komunitarja, li xi kultant iwassal għal applikazzjoni żbaljata jew għal nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġijiet trasposti u għall-applikazzjoni ta’ regoli paralleli taħt il-leġislazzjoni nazzjonali;

f)

il-ħtieġa li jiġu estiżi l-miżuri amministrattivi ta’ kooperazzjoni biex jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tal-protezzjoni tal-konsumatur;

g)

in-nuqqas ta’ previżjoni u armonizzazzjoni tal-liġi punittiva, li tħalliet f'idejn l-Istati Membri.

4.26

Bi prijorità, l-azzjoni tal-Kummissjoni għandha wkoll timmira l-provvediment ta’ informazzjoni u taħriġ għall-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, b'mod partikolari għal dawk li huma direttament responsabbli għall-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja fl-Istati Membri. Hawnhekk, għandha tingħata informazzjoni aħjar u taħriġ lill-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi l-oħra b'mod ġenerali, li fl-aħħar mill-aħħar hija r-responsabilità tagħhom li jinterpretaw u japplikaw il-liġi għal każijiet speċifiċi li huma s-suġġett tat-tilwima.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 107 u ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.

(2)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(3)  ĠU C 44, 11.02.2011, p. 23.

(4)  COM(2002) 725 finali

(5)  Green Paper mill-Kummissjoni dwar l-għażliet politiċi għall-progress lejn Liġi Kuntrattwali Ewropea għall-konsumaturi u n-negozji (COM(2010) 348 finali).

(6)  Ara l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar it-“28 reġim” (ĠU C 21, 21.01.2011, p.26) u r-referenzi li saru għal dan il-metodu fir-rapporti prinċipali reċenti bħar-rapport Monti intitolat “A new strategy for the single market” (Strateġija ġdida għal suq uniku), tad-9.5.2010, ir-rapport ta’ Felipe González intitolat “Project Europe 2030” (Proġett Ewropa 2030), tat-8.5.2010, u r-rapport ta’ Lamassoure dwar “The citizen and the application of Community law” (Iċ-ċittadin u l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja), tat-8.6.2008.

(7)  ĠU C 24, 31.1.2006, p. 52 u ĠU C 18, 19.01.2011, p. 100.

(8)  Konferenza ta’ Livell Għoli: Jum Ewropew għall-Infurzar tal-Protezzjoni tal-Konsumatur (Brussell, 22.09.2010).

(9)  Ara COM (2010) 538 finali, Is-27 Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2009).

(10)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/92


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper — Politika tal-Awditjar: lezzjonijiet mill-Kriżi”

COM(2010) 561 finali

2011/C 248/16

Relatur: is-Sur MORGAN

Nhar it-13 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Green Paper – Politika tal-Awditjar: Lezzjonijiet mill-Kriżi

COM(2010) 561 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'153 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Ħarsa ġenerali

1.1.1   It-titolu tal-Green Paper huwa “Politika tal-Awditjar: Lezzjonijiet mill-Kriżi”. Il-KESE jemmen li l-iskala tal-kriżi kienet riżultat tal-fatt li ħadd mill-partijiet involuti ma ħadem kif suppost, l-anqas fosthom il-bordijiet ta’ ħafna banek. Meta wieħed iqis il-falliment tal-bordijiet tal-banek, ir-regolaturi, is-superviżuri u l-awdituri statutorji (AS) kellhom jindunaw bil-problemi li ħolqu l-kriżi. Iżda naqsu milli jagħmlu dan. L-UE diġà indirizzat il-kwistjonijiet tar-regolazzjoni u s-superviżjoni. Huwa ċar li jeħtieġ li r-rwol tal-AS jiġi rivedut – fil-fatt, il-KESE, fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport de Larosière (1), appella sabiex appuntu ssir din ir-reviżjoni. Il-Green Paper tmur lil hinn mir-rwol tal-awditjar biex tqis kwistjonijiet bħall-governanza, is-superviżjoni u l-konċentrazzjoni. Il-KESE jaqbel li dawn il-kwistjonijiet jinfluwenzaw tassew il-prestazzjoni tal-awdituri matul il-kriżi.

1.1.2   Il-Green Paper issaqsi 38 mistoqsija. Tliet mistoqsijiet jittrattaw kwistjonijiet jaħarqu ħafna: mistoqsija 18, sejħa għall-offerti mandatorja, mistoqsija 28, awditjar konġunt u mistoqsija 32, treġġigħ lura mill-konsolidazzjoni tal-“Erbgħa l-Kbar”. F'kull każ, hi x'inhi l-politika li l-Kummissjoni beħsiebha tadotta, il-KESE jħeġġeġ li titwettaq valutazzjoni rigoruża tal-impatt qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni.

1.2   Ir-rwol tal-awditur

1.2.1   Ir-rwol tal-AS, kif definit u implimentat bħalissa, mhuwiex adegwat għall-għan tiegħu. Il-kumitat tal-awditjar jew dak superviżorju huwa l-kontroparti essenzjali tal-AS.

Aktar indipendenza għall-AS u riforma tal-kumitat tal-awditjar jew dak superviżorju huma elementi essenzjali għall-proposti f'din l-opinjoni.

1.2.2   Il-KESE jipproponi li d-Direttiva tal-2006 dwar il-Verifiki għandha tiġi emendata sabiex ir-rwol tal-kumitat tal-awditjar jew dak superviżorju jissaħħaħ:

il-biċċa l-kbira tal-membri tal-kumitat u l-president tal-kumitat għandhom ikunu indipendenti;

il-kompetenza ta’ wħud mill-membri tal-Kumitat trid tkun rilevanti għall-karatteristiċi settorjali tal-kumpanija involuta, speċjalment fis-settur bankarju;

il-kumitat tal-awditjar jew dak superviżorju mhux biss għandu jimmonitorja l-integrità tal-proċess tal-awditjar, iżda fil-fatt għandu wkoll jerfa' r-responsabbiltà għaliha.

1.2.3   Fir-rigward tas-sistemi superviżjorji fil-qafas tas-sistema doppja (bord superviżorju u bord tad-diretturi), il-KESE huwa favur it-tisħiħ tar-relazzjoni bejn l-AS u l-bord superviżjorju.

1.2.4   B'mod ġenerali, il-KESE jemmen li hemm bżonn it-titjib li ġej:

it-tisħiħ tal-profil tal-kompiti tal-AS u r-responsabbiltà marbuta magħhom;

il-fatt li r-rapporti tal-awditur jsiru aktar ċari u jinfiehmu aħjar, b'mod speċjali rigward ir-riskji li jeżistu;

il-fatt li l-awditjar ikompli jiżviluppa sabiex jinbidel f'verifika tal-kumpanija (il-vijabbiltà tal-mudell kummerċjali, is-saħħa finanzjarja, il-kapaċità li jiġu osservati r-riskji tal-kumpanija u l-ġestjoni tagħhom);

it-tisħiħ tal-komunikazzjoni matul is-sena bejn l-awditur u l-korpi ta’ kontroll tal-kumpanija sa mill-proċess tal-awditjar.

1.3   Governanza u indipendenza

Il-KESE ma jappoġġjax ir-rotazzjoni mandatorja tal-impenji tal-AS iżda jaqbel li l-impenn kontinwu tad-ditti tal-AS għandu jkun limitat billi jkun hemm l-obbligu li l-kuntratt tal-verifika jerġa' joħroġ għall-offerti kull sitta sa tmien snin. Il-provvista ta’ servizzi mhux tal-verifika mill-AS lill-klijenti tagħhom għandu jkun strettament ikkontrollat bl-approvazzjoni ċara tal-kumitat tal-awditjar jew superviżorju, filwaqt li għall-kumpaniji l-kbar il-provvista ta’ konsulenza dwar ir-riskju u s-servizzi ta’ awditjar intern għandha tiġi pprojbita minħabba li dan jinvolvi kunflitt ta’ interess. Il-provvista ta’ konsulenza dwar it-taxxa għandha titwaqqaf kulmeta jista' jkun hemm kunflitt ta’ interess materjali.

1.4   Superviżjoni

Għandu jkun hemm obbligu legali li l-AS u s-superviżuri jiltaqgħu regolarment. Dan huwa partikularment neċessarju fil-każ ta’ banek sistemikament importanti.

1.5   Konċentrazzjoni

Il-konċentrazzjoni tal-maġġoranza tas-suq tal-awditjar tal-kumpaniji l-kbar f'idejn l-Erbgħa l-Kbar huwa oligopolju. Kien hemm ħames ditti sal-falliment ta’ Arthur Anderson. Falliment ieħor mhuwiex immaġinabbli. Il-KESE jirrakkomanda azzjoni fuq perjodu qasir permezz tal-użu ta’ testmenti bijoloġiċi biex jittaffew l-effetti ta’ falliment eventwali ta’ ditta. Fuq perjodu aktar fit-tul, il-Kumitat iqis li s-suq għandu jiġi kkonfigurat mill-ġdid. Għal dan il-għan jirrakkomanda li l-oligopolju jiġi riferit għall-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mill-kompetizzjoni, ibda bil-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit.

1.6   Suq Ewropew

Il-ħolqien ta’ suq Ewropew effettiv għall-awditjar statutorju huwa għan mixtieq, iżda d-differenzi fil-kwistjonijiet tat-taxxa, tal-liġi u tal-lingwa jibqgħu ostakli terribbli. Huwa possibbli li ssir ftit razzjonalizzazzjoni.

1.7   Semplifikazzjoni għall-SMEs

L-SMEs għandhom forom u daqsijiet differenti. Jekk ikun hemm investimenti esterni u/jew faċilitajiet bankarji importanti u/jew klijenti u fornituri prinċipali kkonċernati mill-integrità tal-katini tagħhom ta’ valur, huwa diffiċli li jiġu previsti ħafna “short cuts”.

1.8   Il-kooperazzjoni internazzjonali

Fil-fehma tal-KESE, din hija obbligatorja u teħtieġ inizjattivi mal-Bord ta’ Stabbiltà Finanzjarja u mal-G20, iżda l-iktar sforzi immedjati għandhom ikunu mal-Istati Uniti tal-Amerika permezz tal-G8.

1.9   Governanza korporattiva

Il-KESE jiddispjaċih li l-Green Paper dwar il-Politika tal-Awditjar ma tinkludix kapitolu dwar il-governanza korporattiva. Għadha kif ġiet ippubblikata Green Paper ġdida dwar il-Governanza Korporattiva (COM (2011) 164 finali). Huwa importanti għall-aħħar li l-Kummissjoni tintegra l-proposti tagħha dwar il-governanza korporattiva fil-proposti tagħha dwar il-politika tal-awditjar. Dawn il-kwistjonijiet huma intrinsikament marbuta f'dak li jirrigwarda l-veraċità tal-kontijiet tal-kumpaniji.

2.   Introduzzjoni

2.1   Skont il-leġislazzjoni eżistenti, hija r-responsabbiltà tal-bord tad-diretturi li jżomm il-kontijiet tal-kumpanija u jressaq analiżi vera u ġusta tan-negozju tal-kumpanija. Il-kumpaniji kbar huma obbligati jużaw il-konvenzjoni tal-kontabbiltà tal-Istandards Internazzjonali għar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS). Hija r-responsabbiltà tal-AS li jagħtu opinjoni dwar jekk il-bord ressaqx analiżi vera u ġusta u jindikaw jekk ġietx segwita l-konvenzjoni IFRS. Kemm ir-rapport tad-diretturi kif ukoll il-fehma tal-AS jiġu ppubblikati fir-Rapport Annwali u fil-kontijiet tal-kumpaniji. Ir-rapporti annwali ta’ qabel il-kriżi li tħejjew mid-diretturi tal-banek ma taw l-ebda twissija tal-kriżi imminenti filwaqt li l-AS baqgħu jappoġġjaw dawn ir-rapporti. Il-lezzjoni prinċipali mill-kriżi hija li din iċ-ċirkostanza għandha bżonn tinbidel. Il-KESE huwa tal-fehma li l-enfasi ta’ dik il-bidla għandha tkun fuq il-kumitat tal-awditjar jew dak superviżorju u fuq l-iżgurar tal-indipendenza tal-AS.

2.2   Id-dikjarazzjonijiet tad-diretturi u l-AS ippubblikati fir-rapporti annwali jirriflettu l-istatus quo. Il-kumitat eżamina wkoll rapporti ta’ awditjar statutorju minn Franza, il-Ġermanja, Spanja u r-Renju Unit. Fl-Istati Membri kollha, l-AS jiffokaw fuq il-proċedura u l-proċess. Fl-UE kollha, l-AS jirreferu għall-konformità mal-IFRS. Illum xi wħud jibżgħu li s-sempliċi fatt li jkun hemm konformità mal-IFRS ma jħallix post għal ġudizzju rigward ċerti aspetti tal-kontabbiltà u l-awditjar.

2.3   Analiżi tal-opinjonijiet dwar il-verifiki fil-Ġermanja minn waħda mill-erba' kumpaniji l-kbar dwar il-kontijiet tal-2009 tad-Deutsche Bank, tal-Munich Re u tal-BMW fost affarijiet oħra juru, fit-traduzzjoni Ingliża, li kważi nkitbu bl-istess kliem, għalkemm it-tliet intrapriżi huma differenti ħafna. Din it-tendenza li jintuża test stilizzat taħbi l-kontenut tal-verifika mill-utent. L-AS jikkonferma li ġew segwiti proċeduri adegwati iżda m'hemm l-ebda evidenza tal-intensità tal-verifika. Il-KESE jemmen li hemm bżonn ċerti bidliet sabiex jiġi żgurat li r-rapporti tal-awditjar ipoġġu s-sustanza qabel il-forma.

2.4   L-awdituri esterni jistrieħu fil-wisgħa fuq is-sistemi interni ta’ kontroll tal-klijenti tagħhom, fejn l-integrità ta’ dawn is-sistemi tieħu parti kbira mill-attenzjoni tal-verifika. Il-kumpaniji l-kbar għandhom funzjonijiet ta’ awditjar intern li huma indipendenti mill-funzjoni finanzjara u jirrapportaw direttament lill-kumitat tal-awditjar. L-awditjar interna għandu r-responsabbiltà li jikkontrolla l-integrità tas-sistemi interni ta’ kontroll. Xi kumpaniji jagħtu x-xogħol tal-awditjar intern b'kuntratt lil terzi persuni. Fejn dan huwa l-każ, is-servizzi li jagħmlu parti minn dan it-tip ta’ kuntratt m'għandhom qatt jiġu pprovduti mill-impriża ta’ AS li ntgħażlet. Hija r-responsabbiltà tal-kumitat tal-awditjar jew dak superviżorju li jassigura l-indipendenza tal-funzjoni tal-awditjar intern u, b'estensjoni, l-integrità tas-sistema tal-kontrolli interni.

2.5   Filwaqt li l-verifika tipprovdi garanzija tal-informazzjoni finanzjarja li tinsab fil-kontijiet annwali, attwalment ma tagħti l-ebda opinjoni speċifika dwar id-deċiżjonijiet ekonomiċi meħuda mill-kumpanija. Waħda mil-lezzjonijiet ta’ din il-kriżi hija li, fir-rapporti tagħhom, id-diretturi għandhom jidentifikaw is-sitwazzjoni fundamentali, inkluża valutazzjoni tar-“riskji”, u li l-AS għandhom jipprovdu livell ta’ garanzija għal dawn id-dikjarazzjonijiet. Għal din ir-raġuni, l-AS m'għandhomx jagħtu parir lill-klijenti tagħhom dwar il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju (2).

2.6   Wara li tqiesu n-nuqqasijiet u l-fallimenti tas-sistema attwali ta’ rappurtar lill-azzjonisti u l-partijiet interessati, u speċjalment fid-dawl tax-xorti li misset lil ċerti banek matul il-kriżi, kien hemm appoġġ wiesa' biex jitwessa' r-rwol tal-kumitat tal-awditjar jew dak superviżorju. Pereżempju, il-Kunsill dwar ir-Rappurtar Finanzjarju tar-Renju Unit ippropona l-prinċipji li ġejjin bħala l-bażi għar-riforma tar-rappurtar:

rappurtar narrattiv ta’ kwalità ogħla, partikularment dwar l-istrateġija tal-kumpanija u l-ġestjoni tar-riskju;

rikonoxximent akbar tal-importanza tal-kumitati tal-awditjar u, għalhekk, enfasi akbar fuq il-kontribut tagħhom għall-integrità tar-rappurtar finanzjarju;

trasparenza akbar tal-mod kif il-kumitati tal-awditjar jirrilaxxaw ir-responsabbiltajiet tagħhom dwar l-integrità tar-rapport annwali, inkluż superviżjoni tal-awdituri esterni;

aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-awditjar, kemm għall-kumitati tal-awditjar kif ukoll għall-investituri u twessigħ tal-iskop tar-responsabbiltajiet tal-awditur; u

rapporti annwali aktar aċċessibbli permezz tal-użu tat-teknoloġija.

2.7   Il-KESE japprova dawn il-prinċipji. L-implikazzjonijiet huma kif ġej:

1.

Id-diretturi jridu jiddeskrivu f'aktar dettall il-passi li jieħdu biex jassiguraw kemm l-affidabbiltà tal-informazzjoni li fuqha huma bbażati kemm il-ġestjoni tal-kumpanija kif ukoll l-amministrazzjoni tal-kumpanija min-naħa tagħhom; u jipprovdu aktar trasparenza dwar l-attivitajiet tal-kumpanija u kwalunkwe riskju assoċjat.

2.

L-awdituri statutorji jridu jipprovdu rapporti li jinkludu taqsima dwar kemm hu komplet u raġonevoli r-rapport tal-kumitat tal-awditjar u li jidentifikaw kwalunkwe element fir-rapport annwali li l-AS jemmnu li huwa skorrett jew inkonsistenti mal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji jew miksuba waqt li jkunu qed jagħmlu l-verifika.

3.

Is-saħħa dejjem tikber tal-kumitati tal-awditjar jew dawk superviżorji li jżommu responsabbli d-diretturi jew l-AS għandha tiġi rrinfuzata b'aktar trasparenza, permezz ta’ rapporti mlaħħmin minn dawn il-kumitati li jispjegaw, b'mod partikulari, kif irrilaxxaw ir-responsabbiltajiet tagħhom għall-integrità tar-rapport annwali u aspetti oħra tal-missjoni tagħhom, bħas-superviżjoni tal-proċess tal-awditjar estern u l-ħatra ta’ AS.

2.8   Id-Direttiva tal-UE tal-2006 dwar il-Verifiki Statutorji tinkludi l-istruzzjonijiet li ġejjin fir-rigward tal-kumitati tal-awditjar:

L-entitajiet ta’ interess pubbliku għand[u] ikollhom kumitat tal-awditjar. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk il-kumitat tal-awditjar għandux ikun magħmul minn membri mhux eżekuttivi tal-korp amministrattiv u/jew membri tal-korp ta’ sorveljanza tal-entità suġġetta għall-verifika u/jew membri li jinħatru mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-entità suġġetta għall-verifika. Mill-inqas membru wieħed tal-kumitat tal-awditjar għandu jkun indipendenti u għandu jkollu kompetenza fl-accounting u/jew fil-verifika.

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-membri tal-korp amministrattiv, ta’ sorveljanza jew ta’ ġestjoni, jew ta’ membri oħrajn maħtura mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tal-entità suġġetta għall-verifika, il-kumitat tal-awditjar għandu inter alia:.

1.

jissorvelja l-proċess tar-rappurtar finanzjarju;

2.

jissorvelja l-effikaċja tal-kontroll intern, tal-verifika interna fejn tapplika, u tas-sistemi tal-immaniġġar tar-riskju tal-kumpannija;

3.

jissorvelja l-verifika statutorja tal-kontijiet annwali u konsolidati.

2.8.1   Sabiex il-prinċipji u l-preċetti elenkati fil-paragrafi 2.6 u 2.7 hawn fuq ikollhom effett, il-KESE jemmen li, filwaqt li jinżammu r-regoli attwali dwar il-kodeċiżjoni, din l-istruzzjoni għandha tiġi modifikata, biex teħtieġ li maġġoranza tal-membri tal-kumitat u l-president tal-kumitat ikunu indipendenti.

2.8.2   Mhuwiex bizzejjed li jkun hemm sempliċi rekwiżit ta’ kompetenza fil-kontabbiltà u/jew fl-awditjar. Il-kompetenza ta’ wħud mill-membri tal-Kumitat trid tkun rilevanti għall-karatteristiċi settorjali tal-kumpanija involuta, speċjalment fis-settur bankarju.

2.8.3   Il-KESE jemmen li l-kumitat tal-awditjar jew superviżorju m'għandux biss jikkontrolla, iżda fil-verità għandu jieħu r-responsabbiltà għall-integrità ta’ dawn il-proċessi, b'konformità mal-prinċipji u l-preċetti ddettaljati fil-paragrafi 2.6 u 2.7 hawn fuq.

2.9   Jekk huwa meħtieġ li d-diretturi huma responsabbli għall-kontijiet, għandhom jitqiesu r-rwoli u r-responsabbiltajiet tad-diretturi fir-rigward tal-eżattezza tal-kontijiet. Pereżempju, id-diretturi jiċċertifikaw li wettqu l-verifiki kollha neċessarji sabiex ikunu jistgħu jiggarantixxu l-kontijiet b'kuxjenza nadifa. Jista' wieħed jemmen li l-bordijiet tal-banek kienu qegħdin iwettqu l-verifiki neċessarji qabel il-kriżi? Kellhom l-iċken idea tar-riskji tagħhom ta’ likwidità, il-kwalità fqira tal-assi tagħhom relatati mas-self ipotekarju u tar-riskji inerenti għall-kotba ta’ self tagħhom? Fil-futur, il-banek u kumpaniji oħra ser ikollhom bżonn jassiguraw li d-diretturi indipendenti maħtura fuq il-bord ikollhom kompetenzi adegwati u fehim aħjar tar-rwol u r-responsabbiltajiet tagħhom.

2.10   Sabiex il-prinċipji ddettaljati fil-paragrafu 2.6 hawn fuq jiġu implimentati b'suċċess, ser ikun hemm bżonn reviżjoni aktar ġenerali tal-governanza korporattiva Huwa essenzjali li l-konlużjonijiet kemm mill-Green Paper dwar il-Governanza Korporattiva kif ukoll dik dwar il-Politika tal-Awditjar jiġu integrati sabiex ma jkunx hemm diskrepanzi bejniethom.

2.11   Fil-qosor, filwaqt li d-diretturi għandhom ir-responsabbiltà li jippreżentaw stampa vera u ġusta tan-negozju, l-AS iridu jkunu ċerti li tkun ġiet ippreżentata stampa vera u ġusta. Il-limitazzjoni tar-responsabbiltà hija privileġġ straordinarju li jgawdu minnu l-kumpaniji pubbliċi b'responsabbiltà limitata. L-awditjar statutorju huwa mfassal sabiex jassigura li dan il-privileġġ ma jwassalx għal abbuż. Huma l-flus tal-azzjonisti, tad-detenturi tal-obbligu, tal-bankiera u ta’ kredituri oħra li huma esposti direttament fil-livell finanzjarju. Jiddependu direttament minn kemm id-dikjarazzjonijiet finanzjarji huma veri. Id-dħul finanzjarju ta’ partijiet interessati oħra – kemm jekk ikunu impjegati, klijenti jew fornituri – jiddependi mill-fatt li l-kumpanija tkompli tirnexxi. Fil-kriżi bankarja, l-AS fallew, flimkien mal-partijiet responsabbli l-oħra kollha. L-awditjar ma jistax ikun eżenti mir-riforma u s-superviżjoni introdotti f'partijiet oħra tas-sistema finanzjarja. L-istatus quo mhuwiex għażla.

3.   Mistoqsijiet

3.1   Introduzzjoni

1)

Għandek xi rimarki ġenerali dwar l-approċċ u l-iskopijiet ta’ din il-Green Paper?

Jekk jogħġbok, ara t-Taqsima 1 ta’ din l-opinjoni.

2)

Taħseb li jeħtieġ li jiġi stipulat aħjar ir-rwol soċjetali tal-awditjar fir-rigward tal-veraċità tar-rapporti finanzjarji?

Il-veraċità tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji hija s-sine qua non ta’ soċjetà li tiddependi l-iktar mill-prestazzjoni tal-kumpaniji b'responsabbiltà limitata f'ekonomija tas-suq. L-interess pubbliku jeħtieġ li l-kumpaniji ma jfallux u jmorru 'l quddiem. Teżisti multipliċità kumplessa ta’ interessi dipendenti: l-azzjonisti, id-detenturi tal-bonds, il-banek u kredituri oħra li jiddependu mid-dikjarazzjonijiet biex jiġġudikaw is-sigurtà tal-investimenti u s-self tagħhom; l-impjegati li jiddependu mid-dikjarazzjonijiet sabiex jiġġudikaw jekk l-impjiegi u l-pagi tagħhom humiex siguri; partijiet interessati oħra li jiddependu mid-dikjarazzjonijiet biex jiġġudikaw is-sigurtà tal-kumpanija bħala impjegatur, fornitur jew klijent; il-komunitajiet lokali u l-gvernijiet lokali u nazzjonali li jiddependu mill-kontijiet biex ikejlu l-kontribut tal-kumpanija għas-soċjetà, kif ukoll il-kapaċità tagħha biex tħallas it-taxxi.

Apparti dawn il-konsiderazzjonijiet, il-banek u istituzzjonijiet oħrajn ta’ kreditu jaqdu rwol fundamentali fil-funzjonament tal-ekonomija tas-suq. Matul il-kriżi finanzjarja, il-banek naqsu milli jaqdu r-rwol tagħhom li jiċċirkulaw il-flus fl-ekonomija. B'konsegwenza, il-veraċità tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħhom qabel il-kriżi, b'mod ġust, ġiet iddubitata. Dikjarazzjonijiet finanzjarji veri u ġenwini huma s-sisien tal-organizzazzjoni politika, soċjali u ekonomika tal-UE. Il-kumpaniji li jwettqu verifiki statutorji huma responsabbli għall-protezzjoni tal-interess pubbliku.

3)

Taħseb li l-livell ġenerali tal-“kwalità tal-awditjar” jista' jittejjeb?

Iva, ir-rapporti tal-awditjar mhumiex sinifikanti. Ma jirriflettux il-ħidma tal-AS. Bl-introduzzjoni tal-IFRS, il-kontijiet li ġew ivverifikati jistgħu jkunu inqas sinifikanti, partikularment fil-każ tal-banek.

3.2   Ir-rwol tal-awditur

4)

Taħseb li l-verifiki għandhom jipprovdu serħan il-moħħ dwar is-saħħa finanzjarja tal-kumpaniji? Il-verifiki huma adatti għal dan l-iskop?

Kif inhuma bħalissa, il-verifiki mhumiex adatti għal skop bħal dan. Is-sitwazzjoni finanzjarja kontinwa ta’ kumpanija hija funzjoni tal-elastiċità tal-mudell kummerċjali tiegħu. Huma prinċipalment l-istituzzjonijiet u l-analisti li għandhom jittestjaw il-mudell, u mhux l-AS. Madankollu, xorta jridu jsiru l-bidliet. Fir-rapport tagħhom id-diretturi jridu jkunu aktar trasparenti dwar is-saħħa attwali tal-kumpanija. Għalhekk, huma l-AS li jridu jipprovdu assigurazzjoni esterna dwar dawn id-dikjarazzjonijiet. Biex dan isir, l-AS irid ikollhom fehim settorjali speċifiku tar-riskji inerenti li jidhru li kienu neqsin hekk kif żdiedet il-kumplessità tal-assi bankarji. F'dan il-kuntest, għandu jkun hemm ukoll spjegazzjoni tal-ġudizzju li sar biex tiġi kkonfermata l-kontinwità tal-attivitajiet tal-kumpanija.

5)

Biex tingħalaq id-diskrepanza u biex jiġi ċċarat ir-rwol tal-verifiki, il-metodoloġija tal-awditjar applikata għandha tiġi spjegata aħjar lill-utenti?

Iva. Fir-rapport u l-kontijiet, l-AS jagħmlu dikjarazzjonijiet qosra iżda dawn huma orjentati lejn il-proċess u ma jgħidu xejn dwar ir-riżultati, it-tħassib jew il-ġudizzji tagħhom. Mhux biss kwistjoni li tiġi spjegata l-metodoloġija. Id-diretturi jridu jispjegaw il-ġudizzji u d-deċiżjonijiet tagħhom u wara l-AS għandhom jispjegaw il-proċess li bih jikkonkludu li l-kontijiet jagħtu stampa vera u ġusta. Huma u jagħmlu dan, ser ikun importanti li jiġi żgurat li l-AS ma jerġgħux jużaw mill-ġdid il-lingwaġġ kuntrattwali formali tas-soltu.

6)

Għandu jiġi rrinforzat ix-“xettiċiżmu professjonali”? Dan kif jista' jintlaħaq?

Ix-xettiċiżmu professjonali jista' jissaħħaħ permezz tat-taħriġ, l-esperjenza barra l-awditjar, ir-reviżjoni mill-pari tal-konklużjonijiet tal-verifiki u s-sens ta’ tmexxija tas-soċji tal-awditjar. Barra minn hekk, it-trasparenza msaħħa meħtieġa mill-awdituri skont il-proposti fit-taqsima 2 ser tirrikjedi li l-AS jeżerċitaw xettiċiżmu professjonali b'mod aktar rigoruż minn qabel. It-twaqqif ta’ korp dixxiplinarju professjonali f'kull Stat Membru jsaħħaħ ix-xettiċiżmu.

Ix-xettiċiżmu professjonali aktarx jissaħħaħ aktar bl-indipendenza ekonomika. L-ammont ta’ servizzi mhux relatati mal-awditjar li jiġu pprovduti lill-klijenti għandu jiġi rivedut u vvalutat b'mod kritiku mill-kumitat tal-awditjar jew dak superviżorju sabiex jitnaqqas kwalunkwe kunflitt ta’ interess bejn l-eżerċitar tax-xettiċiżmu professjonali u ż-żamma tad-dħul finanzjarju minn klijenti importanti. Huwa possibbli wkoll li x-xettiċiżmu jiġi rrinfurzat li kieku s-sejħa mandatorja għall-offerti (mistoqsija 18) kellha tnaqqas il-probabbiltà li l-kumpanija tal-awditjar ikollha dritt li tibqa' żżomm il-funzjonijiet tagħha.

7)

Il-perċezzjoni negattiva marbuta mal-kwalifiki fir-rapporti tal-awditjar għandha tiġi rikonoxxuta? Jekk iva, b'liema mod?

Le. L-azzjonisti u l-partijiet interessati għandhom ikunu kkonċernati jekk ir-rapport tad-diretturi jkollu bżonn jiġi kkwalifikat mill-AS. Madankollu, aktar trasparenza fir-rappurtar mid-diretturi u/jew il-kumitat tal-awditjar jew dak superviżorju tista' tippermetti lill-azzjonisti jifhmu aħjar għaliex AS ikkwalifika rapport tal-awditjar.

Fil-każ tal-banek, kwalifika tista' toħloq kriżi ta’ kunfidenza b'implikazzjonijiet sistemiċi. Għalhekk, it-tħassib ta’ kwalunkwe AS għandu jiġi rrappurtat mill-aktar fis lill-awtoritajiet tar-regolazzjoni u s-sorveljanza sabiex jiġu indirizzati l-problemi potenzjali.

8)

Liema informazzjoni addizzjonali għandha tiġi pprovduta lill-partijiet interessati esterni u kif?

L-AS għandhom responsabbiltà lejn l-azzjonisti, l-impjegati u partijiet interessati oħra. Ma joħorġux rapporti separati lill-partijiet interessati. Il-kumpanija hija responsabbli għall-informazzjoni pprovduta lil dawn tal-aħħar. Kif propost fit-taqsima 2, għandha tiġi pprovduta aktar informazzjoni lill-korpi ta’ kontroll tal-kumpanija, l-azzjonisti, l-impjegati u partijiet interessati oħra kemm mid-diretturi kif ukoll mill-AS, u b'aktar trasparenza.

Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ li l-AS, għall-inqas fir-rapport tal-awditjar li ma jiġix ippubblikat, jesprimi ruħu b'mod ċar dwar ir-riskji osservati. L-AS għandu jagħti informazzjoni li biha r-riskji potenzjali għall-vijabbiltà tal-kumpanija joħorġu aktar fid-dieher. Din l-informazzjoni għandha tipprovdi kummentarju dwar ix-xenarji ta’ riskji possibbli, il-livelli ta’ danni potenzjali u l-probabbiltà li jiġru. L-effetti tal-politiki tal-kontabilità fuq l-assi, il-finanzji u l-profitti tal-kumpanija għandhom jiġu evalwati b'mod aktar trasparenti.

9)

Hemm djalogu adegwat u regolari bejn l-awdituri esterni, l-awdituri interni u l-kumitat tal-awditjar? Jekk le, kif tista tittejjeb din il-komunikazzjoni?

Il-kriżi bankarja tagħti x'jifhem li mhux dejjem kien hemm djalogu regolari u adegwat, għalkemm ħafna drabi dan ien il-każ. Rwol imsaħħaħ għall-kumitat tal-awditjar iwassal għal komunikazzjoni mtejba.

10)

Taħseb li l-awdituri għandu jkollhom rwol fl-iżgurar tal-affidabbiltà tal-informazzjoni li l-kumpaniji jirrapportaw fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva?

Jista' jkun, iżda mhux qabel ma jkun hemm ftehim tal-UE dwar x'jistgħu jkunu l-istandards għar-rappurtar.

11)

Għandu jkun hemm komunikazzjoni aktar regolari mill-awditur lill-partijiet interessati? Barra minn hekk, għandu jitnaqqas il-perjodu ta’ żmien bejn it-tmiem is-sena u d-data tal-opinjoni tal-verifika?

Il-partijiet interessati huma s-suġġett tal-mistoqsija 8 hawn fuq. Iż-żmien ma joħloqx problema.

12)

X'miżuri oħra jistgħu jiddaħħlu biex jittejjeb il-valur tal-verifiki?

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-impatt tal-introduzzjoni tal-IFRS, b'mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għall-banek. Jeżisti tħassib dwar il-fatt li kunċetti kritiċi bħall-prudenza u l-koservattiżmu tal-kontabbiltà issa saru inqas importanti, fil-qafas tal-IFRS, mill-proċess u l-konformità mal-istandards. Hemm xhieda li turi li, jekk l-ambitu tal-awdituri jiġi limitat għall-eżerċizzju ta’ ġudizzju prudenti, l-IFRS joffru inqas assigurazzjoni. L-IFRS għandhom ukoll difetti speċifiċi, bħall-inkapaċità li jikkunsidraw telf li jkun mistenni.

Evidenza bil-fomm mogħtija matul l-inkjesta mill-House of Lords tar-Renju Unit dwar il-konċentrazzjoni tas-suq tal-verifika wriet li d-dgħufijiet tal-IFRS huma partikolarment serji fir-rigward tal-verifiki tal-banek (3).

Standards Internazzjonali għall-Awditjar (ISAs - International Standards on Auditing)

13)

X'taħseb dwar l-introduzzjoni tal-ISAs fl-UE?

Favorevoli. Madankollu, għandha tiġi rispettata n-newtralità stretta tas-sistemi legali nazzjonali rispettivi.

14)

L-ISAs għandhom ikunu vinkolanti fl-UE kollha? Jekk iva, għandu jkun hemm approċċ ta’ endorsjar simili għal dak eżistenti għall-endorsjar tal-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS)? Alternattivament, u fid-dawl tal-użu attwali mifrux tal-ISAs fl-UE, l-użu tal-ISAs għandu jitħeġġeġ aktar permezz ta’ strumenti legali mhux vinkolanti (Rakkomandazzjoni, Kodiċi ta’ Kondotta)?

Iva, possibbilment permezz ta’ regolament.

15)

L-ISAs għandhom ikunu adattati aktar biex jaqdu l-bżonnijiet tal-SMEs u l-SMPs?

M'hemmx għalfejn.

3.3   Governanza u independenza tad-ditti tal-awditjar

16)

Jeżisti kunflitt fil-fatt li l-awditur jinħatar u jiġi rinumerat mill-entità awditjata? X'arranġamenti alternattivi tirrakkomanda f'dan il-kuntest?

Jeżisti kunflitt potenzjali, iżda huwa ġestibbli. Hemm bżonn ta’ aktar trasparenza fir-rigward tal-ħatra u l-ħatra mill-ġdid tal-AS, u dan huwa inkluż fil-proposti mniżżlin fit-taqsima 2. Il-ħatra mill-kumpanija (kumitat tal-awditjar jew dak superviżorju u l-partijiet interessati) tippermetti li jinħatar AS li huwa l-aħjar biex jirrispondi għall-bżonnijiet partikolari ta’ dik il-kumpanija, pereżempju l-għarfien tas-settur kummerċjali u firxa internazzjonali indispensabbli.

17)

Il-ħatra minn parti terza tkun ġustifikata f'ċerti każijiet?

Mhux f'ċirkostanzi normali. Madankollu, il-kwistjoni tista' tqum fir-rigward ta’ istituzzjonijiet sistemikament sinifikanti bħall-banek il-kbar. Jekk l-awtoritajiet ta’ sorveljanza jinsabu f'kuntatt regolari mal-AS ta’ istituzzjonijiet ta’ dan it-tip, u ma jinsabux sodisfatti bil-prestazzjoni jew l-indipendenza tagħhom, l-awtorità għandu jkollha l-poter li tesiġi li dik l-istituzzjoni tinbidel. Din għandha biss tkun setgħa ta’ riżerva, billi kumpanija konxja mit-tħassib ta’ superviżjoni aktarx twettaq il-bidla minn rajha.

18)

L-inkarigu kontinwu tad-ditti tal-awditjar għandu jkun limitat fiż-żmien? Jekk iva, x'għandu jkun iż-żmien massimu ta’ inkarigu ta’ ditta tal-awditjar?

Huwa u jwieġeb din il-mistoqsija, il-KESE l-ewwel u qabel kollox jesprimi twissija: kwalunkwe bidla proposta għall-istatus quo għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni rigoruża tal-impatt.

Ir-rotazzjoni tat-timijiet tal-awditjar u tal-mexxejja tagħhom u t-tiġdid normali tal-presidenti, is-CEOs u d-diretturi finanzjarji tfisser li f'livell individwali teżisti sekwenza aktar minn adatta tar-relazzjonijiet. Il-kwistjoni tinsab fil-livell tar-relazzjoni bejn kumpanija u oħra: il-bżonn ta’ AS li jżomm il-klijenti tiegħu u r-rieda tal-klijent li jżomm awditur li miegħu jħossu komdu. Dawn ir-relazzjonijiet fuq perjodu twil huma theddida potenzjali għall-indipendenza u x-xettiċiżmu professjonali.

Il-KESE ma jappoġġjax l-idea li l-impenn tal-AS jiġi limitat permezz ta’ rotazzjoni mandatorja iżda jirrakkomanda li l-kumpaniji l-kbar jagħmlu sejħa mandatorja għall-offerti kull ħames sa tmien snin sabiex iġeddu l-kuntratt ta’ awditjar statutorju tagħhom. Is-sejħa għall-offerti għandha tintbagħat minn tal-inqas lil ditta li ma tagħmilx parti mill-Erbgħa l-Kbar. Tali eżerċizzju mhux bilfors iwassal għal bidla tal-AS. Għalhekk, il-proċess għandu bżonn ikun trasparenti. Il-kumitat tal-awditjar għandu jispjega l-bażi tas-sejħa tiegħu u tad-deċiżjoni tiegħu. Għandu jorganizza wkoll laqgħa mal-azzjonisti prinċipali tiegħu f'dan il-kuntest.

19)

Il-provista ta’ servizzi mhux relatati mal-awditjar mid-ditti tal-awditjar għandu jkun projbit? Għandhom jiġu applikati xi projbizzjonijiet bħal dawn għad-ditti kollha u l-klijenti tagħhom jew għandhom jiġu applikati għal ċerti tipi ta’ istituzzjonijiet, bħall-istituzzjonijiet finanzjarji sistemiċi?

M'għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni fuq id-ditti ta’ AS li jipprovdu servizzi mhux relatati mal-awditjar lill-kumpaniji li mhumiex il-klijenti tal-verifika statutorja tagħhom, iżda servizzi ta’ dan it-tip għandhom jiġu pprovduti biss lill-klijenti tal-verifika statutorja b'approvazzjoni preċiża tal-kumitat tal-awditjar jew dak superviżorju. Sabiex tissaħħaħ l-indipendenza tal-awditjar statutorju tal-kumpaniji l-kbar, l-AS m'għandux jagħti pariri dwar ir-riskji lill-klijent tiegħu, u lanqas m'għandu jkun l-awditur intern. Il-provvista ta’ konsulenza dwar it-taxxa għandha titwaqqaf kulmeta jista' jkun hemm kunflitt ta’ interess materjali. B'mod ġenerali, is-servizzi li mhumiex relatati mal-awditjar jinvolvu jew konsulenza jew kontabbiltà. Il-konsulenza għandha inqas possibbiltà mill-kontabbiltà li tqajjem kwistjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-awditjar statutorju. Il-kumitati tal-awditjar għandhom japprovaw is-servizzi kollha li mhumiex relatati mal-awditjar u li jiġu pprovduti mill-AS u jevitaw il-kunflitti tal-interessi. Il-kumitati għandhom ukoll jimmonitorjaw il-valur totali ta’ dawn is-servizzi mhux relatati mal-awditjar u din iċ-ċifra għandha tiġi ppubblikata fir-Rapport Annwali.

Fil-każ tal-SMEs, tista' tiġi ppjanata sistema inqas stretta. L-SMEs għandhom forom u daqsijiet differenti. F'ħafna każijiet, jagħmel sens li t-tassazzjoni u l-konsulenza dwar ir-riskju jiġu pprovduti minn ditta ta’ AS.

20)

Il-livell massimu tat-tariffi li ditta tal-awditjar tista' tirċievi minn klijent wieħed jista' jiġi rregolat?

Ir-risposta għal din il-mistoqsija tista' tingħata biss meta jitqies id-dħul finanzjarju totali ta’ kull ditta tal-awditjar fil-livell nazzjonali. Il-limitu attwali ta’ 15 % tat-tariffi ta’ ditta nazzjonali li jkunu ġejjin minn klijent wieħed, kif indikat fil-kodiċi ta’ etika tal-IESBA, huwa rraġunat peress li jqis li t-tariffi tal-awditjar jiddependu mid-daqs u l-kumplessità tal-kumpanija awditjata. Il-klijenti jagħmlu minn kollox biex ibaxxu dawn il-ħlasijiet. Il-ħlasijiet għal xogħol mhux relatat mal-awditjar imħallsa lid-ditta tal-awditjar għandhom jiġu rrapportati separatament.

21)

Għandhom jiddaħħlu regoli ġodda rigward it-trasparenza tar-rapporti finanzjarji tad-ditti tal-awditjar?

Iva, iżda dawn ir-regoli jridu jirrikonoxxu li n-netwerks tal-Erbgħa l-Kbar jinkludu intrapriżi nazzjonali separati iktar milli jiffurmaw entità waħda. Id-ditti tal-awditjar għandhom jippubblikaw il-kontijiet tagħhom, bħalma jagħmlu l-kumpaniji li tagħhom ikunu qed iwettqu verifika.

22)

X'miżuri oħra jistgħu jiddaħħlu fil-governanza tad-ditti tal-awditjar biex tittejjeb l-indipendenza tal-awdituri?

F'ċerti ġurisdizzjonijiet, l-awdituri jagħtu konferma annwali formali tal-indipendenza. Fi Stat Membru wieħed, isegwu kodiċi ta’ governanza għad-ditti tal-awditjar. Fejn iqum kunflitt ta’ interess, iridu jabbandunaw wieħed mill-impenji. Barra minn hekk, id-ditti tal-awditjar għandhom jimpjegaw diretturi u konsulenti indipendenti.

23)

Għandhom jiġu esplorati strutturi alternattivi biex id-ditti tal-awditjar jitħallew jiġbru kapitali minn riżorsi esterni?

Il-kumpanija b'responsabbiltà limitata hija struttura attraenti għad-ditti tal-awditjar. Jeħtieġ li titqabbel mal-istruttura ta’ kumpanija pubblika tal-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu, li bla dubju ta’ xejn influwenzat xi ftit jew wisq id-deċiżjonijiet diżastrużi li ħadu u li wasslu għall-kriżi finanzjarja. Jekk ma jiffaċċjawx it-theddida ta’ responsabbiltà illimitata fil-qrati ta’ Stat Membru, il-mudell ta’ kumpanija b'responsabbiltà limitata għandu jkun b'saħħtu biżżejjed. Madankollu, jekk forom oħra ta’ twaqqif ta’ kumpaniji jgħinu jwessgħu s-suq, dawn għandhom jitħeġġu. Il-limitazzjoni tar-responsabbiltà jista' jkollha l-benefiċċju doppju li jiġi attirat kapital ġdid u d-ditti tal-awditjar ta’ daqs medju jitħeġġu jitfgħu offerti b'mod aggressiv għall-kuntratti ma’ intrapriżi kbar.

24)

Taqbel mas-suġġerimenti dwar l-awdituri tal-grupp? Għandek aktar ideat dwar is-suġġett?

L-awdituri tal-grupp ċertament għandu jkollhom l-awtorità neċessarja u l-aċċess neċessarju biex jirrilaxxaw kompletament ir-responsabbiltajiet lejn l-azzjonisti tal-grupp.

3.4   Superviżjoni

25)

Liema miżuri għandhom jiddaħħlu biex jittejbu aktar l-integrazzjoni u l-kooperazzjoni dwar is-superviżjoni tad-ditti tal-awditjar fil-livell tal-UE?

Hemm dimensjoni internazzjonali marbuta ma’ kwistjonijiet bħall-istandards, il-passaporti u n-netwerks internazzjonali tad-ditti tal-awditjar. Madankollu, id-ditti ta’ AS joperaw permezz ta’ unitajiet nazzjonali li jinsabu taħt is-superviżjoni tal-Istati Membri. Il-KESE jappoġġja kulleġġ ta’ superviżuri nazzjonali marbuta mal-qafas il-ġdid tal-UE għas-superviżjoni finanzjarja.

26)

Kif tista' tintlaħaq aktar konsultazzjoni u komunikazzjoni bejn l-awditur ta’ kumpaniji kbar elenkati u r-regolatur?

Diġà jeżistu ċerti esiġenzi legali, minkejja li jidher biċ-ċar li fis-snin ta’ qabel il-kriżi, id-djalogu bejn l-AS u l-awtorità ta’ sorveljanza mar lura f'ċerti Stati Membri. Il-KESE jirrakkomanda li l-Awtorità Bankarja Ewropea l-ġdida għandha tiddefinixxi rekwiżiti bankarji speċifiċi. Barra minn hekk, ir-regolaturi għandhom iżommu lill-president u lill-bord responsabbli għall-komunikazzjoni magħhom, b'sanzjonijiet disponibbli jekk il-kumpanija tonqos milli tikkomunika kwistjonijiet ewlenin.

3.5   Konċentrazzjoni u struttura tas-suq

27)

Il-konfigurazzjoni attwali tas-suq tal-awditjar tista' tippreżenta riskju sistemiku?

Naħsbu li jeżisti riskju ta’ veru li s-suq jiġi disturbat. Ma nemmnux li l-falliment ta’ xi ditta waħda ta’ AS tippreżenta riskju sistemiku għas-suq. Madankollu, mil-lat tal-indipendenza u s-suq, id-dominanza minn tliet ditti biss tkun sempliċement inaċċettabbli. Il-kriżi finanzjarja u ekonomika reċenti enfasizzat il-fatt li fil-ġestjoni tar-riskju għandha tiġi koperta kull eventwalità.

28)

Taħseb li l-formazzjoni mandatorja ta’ konsorzju ta’ ditti tal-awditjar bl-inklużjoni ta’ mill-anqas ditta waħda tal-awditjar mhux sistemika u iżgħar tista' sservi ta’ katalizzatur biex tiddinamizza s-suq tal-awditjar u tippermetti lid-ditti żgħar u ta’ daqs medju jipparteċipaw b'mod aktar sostanzjali fis-segment ta’ verifiki akbar?

Ir-rekwiżit legali li l-kumpaniji għandhom jiġu awditjati minn konsorzju ta’ minn tal-inqas żewġ ditti jeżisti fi Franza. Fid-Danimarka kienu jeżistu dispożizzjonijiet simili iżda nstab li ma kienx għad hemm bżonnhom. Fi Franza, dan ir-rekwiżit ilu japplika għall-kumpaniji elenkati sa mill-1966. Dan ġie estiż għall-kumpaniji soġġetti għall-obbligu tal-pubblikazzjoni tal-kontijiet konsolidati fl-1984 fi żmien meta d-ditti tal-awditjar Ingliżi u Amerikani kienu qed iżidu sehemhom mis-suq b'pass imgħaġġel. Sa ċertu punt, il-politika kienet suċċess. Fi studju tal-2006 (4) dwar 468 kumpanija Franċiża msejjes fuq data tal-2003, 54 kienu awditjati minn żewġ awdituri li kienu jiffurmaw parti mill-Erbgħa l-Kbar, 241 (51,5 %) minn wieħed mill-Erbgħa l-Kbar u minn ditta Franċiża, filwaqt li l-173 l-oħra kienu koperti minn kumbinazzjonijiet varji ta’ ditti Franċiżi żgħar u kbar.

Il-forma tas-suq tal-awditjar fi Franza ma jiddependix sempliċiment mill-intervent tal-liġi. Is-sjieda tal-kumpaniji fi Franza hija ħafna iktar ikkonċentrata milli fil-pajjiżi Anglo-Sassoni u dan jaffettwa r-rekwiżit tal-awditjar. Abbażi tal-istess kampjun, l-ikbar investitur waħdu huwa s-sid ta’ 25 % jew iżjed ta’ 73 % tal-kumpaniji Franċiżi. L-ikbar gruppi ta’ sjieda huma kumpaniji oħra (34 %), is-sjieda fil-familji (25 %) u l-pubbliku ġenerali (21 %) filwaqt li l-investituri inyernazzjonali għandhom biss 8,5 %.

L-istudju sab li: “B'mod partikolari, l-użu ta’ awdituri li jkunu ġejjin mill-Erbgħa l-Kbar jiżdied meta l-istruttura tas-sjieda tkun inqas ikkonċentrata madwar sid wieħed kbir u jkollha iżjed investituri internazzjonali u pubbliċi, filwaqt li l-użu ta’ awdituri mill-Erbgħa l-Kbar għandu probabbiltà inqas meta jkun hemm sjieda kbira fil-familji. Barra minn hekk, huwa iktar probabbli li jintuża awditur mill-Erbgħa l-Kbar meta tiżdied is-sjieda istituzzjonali (banek u fondi tal-pensjoni). Ta' min jinnota li hemm xhieda li wħud minn dawn il-karatteristiċi tas-sjieda huma assoċjati wkoll mal-użu ta’ żewġ awdituri aktar milli ta’ awditur wieħed mill-Erbgħa l-Kbar.”

Meta wieħed iqis din ir-rabta bejn is-sjieda u l-awditjar, dawn is-sejbiet jissuġġerixxu li m'għandux jiġi konkluż li l-ambjent legali Franċiż huwa l-uniku element li jiddetermina l-istruttura tas-suq tal-awditjar fi Franza. Fir-rigward ta’ dan il-punt, madankollu jeħtieġ li jiġi nnotat li l-leġislazzjoni Franċiża ma timponix li bilfors irid ikun hemm rabta bejn ditta “żgħira” u dik “kbira” fil-kuntest tal-verifika konġunta, kontrarjament għal dak li tipproponi l-Kummissjoni. Hekk kif għarfet il-Kummissjoni, ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni tal-Green Paper fuq din il-kwistjoni kienu mħallta, speċjalment sabiex isir magħruf jekk il-verifiki konġunti jagħtux rendikonti aħjar jew jekk dan iwassalx għal aktar burokrazija u spejjeż.

Bħala tweġiba għall-mistoqsija, l-awditjar konġunt iżid il-parteċipazzjoni ta’ ditti li huma iżgħar fis-suq tal-kumpaniji l-kbar. Fir-rigward ta’ jekk fil-fatt dan inaqqasx il-konċentrazzjoni, u fuq liema medda ta’ żmien, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex twettaq valutazzjoni fil-fond tal-impatt qabel ma tasal għal kwalunkwe konklużjoni fuq dan il-punt. Il-KESE jemmen li l-liġi tal-kompetizzjoni tista' tipprovdi mod komplementari kif l-oligopolju jista' jiġi indirizzat.

29)

Mill-perspettiva ta’ titjib tal-istruttura tas-swieq tal-awditjar, taqbel ma’ rotazzjoni mandatorja u sejħa għall-offerti wara perjodu fiss? Kemm għandu jkun twil dan il-perjodu?

Il-KESE ma jappoġġjax ir-rotazzjoni mandatorja. Fir-rigward tas-sejħa mandatorja għall-offerti, jekk jogħġbok ara r-risposta għall-Mistoqsija 18.

30)

Kif għandu jiġi indirizzat il-preġudizzju tal-“Erbgħa l-Kbar”?

Il-KESE jappoġġja t-tneħħija ta’ kwalunkwe preġudizzju artifiċjali lejn l-“Erbgħa l-Kbar”, bħal pereżempju l-patti bankarji. Għandu jiġi pprojbit l-għoti mandatorju tal-kompiti lill-Erbgħa l-Kbar biss. Il-Kummissjoni tista' tqis li tintroduċi skema li tiċċertifika li d-ditti l-kbar tal-awditjar ikollhom il-kompetenza meħtieġa biex ikunu jistgħu jagħmlu l-verifika ta’ kumpanija kbira.

31)

Taqbel li l-pjani ta’ kontinġenza, inklużi testmenti bijoloġiċi, jistgħu jkunu kruċjali fl-indirizzar ta’ riskji sistemiċi u r-risjki ta’ falliment ta’ ditta?

Għandu jkun hemm pjani ta’ kontinġenza kemm għad-ditti tal-awditjar kif ukoll għar-regolaturi nazzjonali. Id-ditti tal-awditjar huma netwerks internazzjonali. L-aħjar strateġija tkun dik li l-attenzjoni tiġi ffokata sabiex kwalunkwe falliment jinżamm fil-livell tal-Istat Membru filwaqt li tinżamm l-integrità tal-bqija tan-netwerk. It-testmenti bijoloġiċi jistgħu jkunu l-muftieħ għal kwalunkwe strateġija ta’ limitazzjoni. Twissija bikrija tal-problemi potenzjali tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-pjani ta’ kontinġenza.

32)

Ir-raġunament usa' għall-konsolidazzjoni ta’ ditti tal-awditjar kbar tul l-aħħar żewġ deċennji (i.e. offerta globali, sinerġiji) għadu validu? F'liema ċirkostanzi, jista' jsir pass lura?

Bħalma weġibna għall-mistoqsija 18, il-KESE jsostni bil-qawwi li kwalunkwe azzjoni mfassla f'dan il-qasam għandha tkun soġġetta għal valutazzjoni fil-fond tal-impatt. Hekk kif is-superpotenzi Asjatiċi jespandu mad-dinja kollha, aktarx li d-ditti tal-awditjar tagħhom ser isegwu lill-klijenti tagħhom. Kwalunkwe azzjoni kkumissjonata mill-gvern biex timponi bidla fis-suq tal-awditjar għandha titqies fil-qafas ta’ medda ta’ żmien ta’ għoxrin sena. Barra minn hekk, l-impatt potenzjali tal-liġi tal-konsegwenzi mhux mistennija għandu jiġu kkunsidrat bis-serjetà.

Huwa diffiċli li jsir pass lura, iżda l-iktar ħaġa importanti hija li tissaħħaħ il-liġi tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-awditjar. Il-Kumitat ikun favorevoli għal riferimenti għall-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati mill-kompetizzjoni, ibda bil-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit. L-awtoritajiet inkarigati mill-kompetizzjoni għandhom ukoll jeżaminaw bir-reqqa kwalunkwe akkwist propost minn ditti tal-Erbgħa l-Kbar.

3.6   Il-ħolqien ta’ suq Ewropew

33)

Liema taħseb li huwa l-aħjar mod li bih tittejjeb il-mobbiltà transkonfinali tal-professjonisti tal-awditjar?

Wieħed jista' jibda mill-armonizzazzjoni tar-regolamenti u l-liġijiet applikabbli. L-introduzzjoni tal-ISA għandha tgħin ukoll. Id-diversità fit-taxxa, il-liġi u l-lingwa fis-27 Stat Membru bla dubju ta’ xejn hija ostaklu għall-mobbiltà transkonfinali fuq skala kbira.

34)

Taqbel ma’ “armonizzazzjoni massima” flimkien ma’ passaport Ewropew uniku għall-awdituri u d-ditti tal-awditjar? Taħseb li dan għandu japplika wkoll għad-ditti ż-żgħar?

Iva, imma m'għandniex nissottovalutaw id-diffikultajiet involuti. Huwa possibbli li jkun hemm passaport Ewropew għall-awdituri għall-qasam tal-informazzjoni finanzjarja obbligatorja konformi mal-IFRS. Għaldaqstant, id-deċiżjoni dwar liema awditur jew liema ditta ta’ AS tista' tirċievi passaport bħal dan għandha tkun ibbażata fuq jekk il-prattika tal-awditjar tistax jew hijiex ser twettaq verifiki tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-IFRS.

3.7   Semplifikazzjoni: Intrapriżi u Prattikanti Żgħar u ta’ Daqs Medju

35)

Taqbel ma’ livell ta’ servizz inferjuri għal verifika, l-hekk imsejħa “verifika limitata” jew “reviżjoni statutorja” għar-rapporti finanzjarji tal-SMEs minflok il-verifika statutorja? Tali servizz għandu jkun kondizzjonali skont jekk il-kontijiet ikunux tħejjew minn accountant (intern jew estern) bi kwalifiki adatti?

L-SMEs għandhom forom u daqsijiet differenti. Jekk ikun hemm investimenti esterni u/jew faċilitajiet bankarji importanti u/jew klijenti u fornituri prinċipali kkonċernati mill-integrità tal-katini tagħhom ta’ valur, huwa diffiċli li jiġu previsti ħafna “short cuts”. Il-ħidma ta’ accountant iċċertifikat tista' tkun adegwata għal mikrointrapriża awtoffinanzjata.

36)

Għandu jkun hemm “kenn sikur” fir-rigward ta’ kwalunkwe projbizzjoni futura potenzjali ta’ servizzi mhux relatati mal-awditjar meta jinqdew klijenti SMEs?

Iva, iżda l-bażi għal din il-projbizzjoni għadha ma ntwerietx.

37)

Il-“verifika limitata” jew ir-“reviżjoni statutorja” għandha tkun akkumpanjata minn regoli interni anqas ibsin tal-kontroll tal-kwalità u sorvejlanza mis-superviżuri? Tissuġġerixxi eżempji ta’ kif dan jista' jsir fil-prattika?

Ara l-mistoqsija 35. Hekk jew hekk, il-kumpaniji ż-żgħar iwettqu verifiki sempliċi.

3.8   Il-kooperazzjoni internazzjonali

38)

X'miżuri taħseb li jistgħu jtejbu l-kwalità tas-sorveljanza tal-parteċipanti tal-awditjar globali permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali?

L-involviment mal-G20 u mal-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja, iżda l-ewwel u qabel kollox, l-iktar miżura importanti tkun il-kooperazzjoni fil-livell tal-G8, b'enfasi partikolari fuq ir-rabtiet mill-qrib mal-korpi regolatorji fl-Istati Uniti tal-Amerika.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 57.

(2)  Il-ġestjoni tar-riskju tinvolvi li jiġu identifikati, ivvalutati u pprijoritizzati r-riskji (definita f'ISO 31000 bħala l-effett tan-nuqqas ta’ ċertezza dwar l-għanijiet, kemm jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi) segwita minn applikazzjoni kkoordinata u ekonomika tar-riżorsi sabiex titnaqqas, tiġi mmonitorjata u kkontrollata l-probabbiltà u/jew l-impatt ta’ avvenimenti sfortunati jew sabiex ikun hemm aktar possibbiltà li jitwettqu l-opportunitajiet. L-istrateġiji biex jiġi ġestit ir-riskju jinkludu t-trasferiment tar-riskju lil parti oħra, li jiġi evitat ir-riskju, li jitnaqqas l-effett negattiv tar-riskju u li jiġu aċċettati l-konsegwenzi kollha jew parti minnhom ta’ riskju partikolari. Sors: Wikipedia.org.

(3)  Rapport tal-House of Lords ippubblikat fil-15 ta’ Marzu 2011, “Auditors: Market concentration and their role”, (L-awdituri: il-konċentrazzjoni tas-suq u r-rwol tagħhom) volum 1, paġna 32. http://www.parliament.uk/hleconomicaffairs.

(4)  Assessing France's Joint Audit Requirement: Are Two Heads Better than One?, ta’ Jere R. Francis, University of Missouri-Columbia, Chrystelle Richard, Université Paris Dauphine, u Ann Vanstraelen, Universiteit Antwerpen u Universiteit Maastricht.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/101


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew — Qafas tal-UE għall-Immaniġjar tal-Kriżijiet fis-Settur Finanzjarju”

COM(2010) 579 finali

2011/C 248/17

Relatur: is-Sinjura ROUSSENOVA

Nhar l-20 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Qafas tal-UE għall-Immaniġjar tal-Kriżijiet fis-Settur Finanzjarju

COM(2010) 579 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, responsabbli sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju (seduta tas-16 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’132 vot favur, 13-il vot kontra u 20 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jaqbel mat-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-fatt li l-appoġġ għal istituzzjonijiet finanzjarji f’diffikultà għad-detriment tal-finanzi pubbliċi u tal-kundizzjonijiet ugwali fis-suq intern mhuwiex aċċettabbli fil-futur u fil-prinċipju jappoġġja l-qafas komprensiv propost tal-UE. L-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas ser titlob mingħand l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll mingħand il-banek iktar spejjeż, ħiliet professjonali u riżorsi umani, flimkien ma’ riformi tal-oqsfa leġislattivi l-iskemi tal-Istati Membri. Il-KESE jittama li billi tikkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni ser twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-ispejjeż, ir-riżorsi umani u r-riformi leġislattivi meħtieġa. Proposta realistika għandha tkun akkumpanjata minn qafas ta’ żmien biex jiġu impjegati r-riżorsi umani, bil-konsiderazzjoni tal-fatt li dawn jistgħu ma jkunux disponibbli minnufih fis-suq.

1.2   Il-Kumitat jirrakkomanda approċċ olistiku u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tevalwa l-effetti kumulattivi tal-qafas tal-immaniġjar tal-kriżi flimkien mal-effetti tar-rekwiżiti regolatorji ġodda kollha, tat-taxxi ġodda tas-settur finanzjarju u tal-miżati tal-banek fuq il-kapaċità tal-banek li jsellfu lill-familji u lin-negozji b’rati ta’ self raġonevoli mingħajr ma jxekklu t-tkbabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi (1).

1.3   Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tipprevedi miżuri adegwati għall-koordinazzjoni bejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni magħżula, il-bank ċentrali u l-ministeru tal-finanzi (meta l-ebda minn dawn l-aħħar żewġ entitajiet ma jkunu ntgħażlu biex ikunu awtorità ta’ riżoluzzjoni fl-Istat Membri) qabel ma twettaq operazzjoni ta’ riżoluzzjoni. Sabiex is-settur jitħares minn kontaġju possibbli u minn kriżijiet ta’ kunfidenza, din il-koordinazzjoni tkun essenzjali f’każijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet kbar u sistematikament sinifikanti kif ukoll f’każijiet ta’ riżoluzzjoni simulatanja ta’ bosta istituzzjonijiet.

1.4   Apparti l-proposta ta’ valutazzjoni tal-istress mis-superviżuri taħt miżuri preparatorji u preventivi, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħmel lill-Programmi ta’ Valutazzjoni tal-FMI/tas-Settur Finanzjarju tal-Bank Dinji obbligatorji għall-Istati Membri kollha hekk kif jipproponi r-rapport tal-grupp De Larosière (2). L-analiżi u l-valutazzjoni tal-istress li saru mill-FSAP jorbtu l-iżviluppi makroekonomiċi u l-iżbilanċi fl-Istati Membri mal-istabbiltà makrofinanzjarja tagħhom u r-risjki mikroprudenzjali li jagħmluhom strumenti utli u adegwati għas-superviżuri.

1.5   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għat-trasferibbiltà tal-assi bħala miżura preventiva iżda jwissi li l-provvista ta’ kull tip ta’ appoġġ finanzjarju lil entitajiet oħra tal-grupp m’għandhiex tkun imposta mill-awtoritajiet superviżorji iżda għandha tibqa’ volontarja, u li t-trattament ugwali tal-Istati Membri, kemm dawk prinċipali kif ukoll dawk ospitanti, huwa kruċjali għaż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja. L-appoġġ finanzjarju tal-grupp għandu jingħata biss taħt ftehim finanzjarju tal-grupp u jekk jiġu rispettati għadd ta’ kundizzjonijiet:

Il-kundizzjoni prinċipali għandha tirrikjedi li l-appoġġ finanzjarju jingħata biss jekk l-entità li tagħtih tikkonforma u tkompli tikkonforma f’kull żmien u taħt kwalunkwe ċirukstanza mar-rekwiżiti prudenzjali tad-Direttiva 2006/48/KE jew kull rekwiżit ogħla dwar il-kapital nazzjonali fil-pajjiż ta’ dak li qed jittrasferixxi. Il-KESE jirrakkomanda li din il-kundizzjoni tiġi rispettata mis-superviżuri u l-medjaturi kollha inluż l-ABE f’każijiet ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn il-membri tal-kulleġġ.

Il-KESE jemmen ukoll li biex titħares l-istabbiltà makrofinanzjarja fil-pajjiż ta’ dak li qed jittrasferixxi, is-superviżur tiegħu għandu jkollu s-setgħa li jipprojbixxi jew jillimita trasferiment tal-assi taħt ftehim ta’ appoġġ finanzjarju tal-grupp jekk jhedded il-likwidità, is-solvenza u l-istabbiltà finanzjarja ta’ dak li qed jittrasferixxi u tas-settur finanzjarju tal-pajjiż.

1.6   Il-ħatra ta’ maniġer speċjali hija sinjal li l-bank għandu l-problemi u dan jista’ jhedded il-fiduċja tad-depożitur u joħloq paniku bankarju. Meta jinħatru maniġers speċjali għal numru ta’ istituzzjonijiet fl-istess perjodu ta’ żmien, dan jista’ joħloq tfixkil serju; f’każ bħal dan għandhom jiġu introdotti miżuri ta’ prekawzjoni li jipproteġu l-banek ikkonċernati u s-settur sħiħ minn kontaġju possibbli u mill-iżvilupp ta’ kriżijiet ta’ kunfidenza.

1.7   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tivvaluta l-impatt tal-istrumenti ta’ “bail in” fuq is-settur bankarju u s-swieq finanzarji u twettaq studju ta’ fattibbiltà u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ diversi strumenti ta’ salvataġġ u l-implikazzjonijiet transkonfinali tagħhom u l-kummerċjabbiltà u t-trasparenza tagħhom.

1.8   B’risposta għall-issikkar regolatorju u l-introduzzjoni ta’ miżuri u strumenti addizzjonali għall-immaniġjar tal-kriżi, is-sistema ta’ “shadow banking” tista’ tkompli tiżviluppa konsiderevolment. Il-Kummissjoni għandha tagħmel mezz li r-regolaturi s-superviżuri jkunu jistgħu jillimitaw ir-riskji ta’ kontaġju għall-banek barra mis-settur bankarju. L-entitajiet tax-shadow banking għandhom ukoll ikunu soġġetti għal standards regolatorji iktar stretti u għandhom ikunu jistgħu jissaportu t-telf.

2.   Daħla

2.1   Matul il-kriżi finanzjarja, il-gvernijiet ma ħallewx lill-banek u lil istituzzjonijiet finanzjarji sistemiċi oħra jfallu. Ġiet adottata firxa wiesgħa ta’ miżuri: f’ċerti każijiet, il-banek kellhom bżonn ippumpjar tal-kapital li kien piż kbir fuq il-finanzi pubbliċi (li nisperaw li jiġi rkuprat fil-futur) f’każijiet oħra kien hemm bżonn ta’ sostenn għal-likwidità u/jew garanziji fuq l-obbligazzjonijiet. Fil-każijiet kollha, dan fisser piż fuq is-swieq finanzjarji u tfixkil sinifikanti tal-kundizzjonijiet ġusti fis-suq intern u globalment.

2.2   B’risposta għall-kunsens li diġà jeżisti dwar il-fatt li dan qatt m’għandu jerġa’ jiġri, il-Kummissjoni adottat bosta Komunikazzjonijiet dwar il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet. L-ewwel waħda, f’Ottubru 2009 (3), qieset x’bidliet kienu meħtieġa għall-immaniġjar u r-riżoluzzjoni effikaċi tal-kriżijiet jew l-istralċ ordinat ta’ bank transkonfinali li jfalli. It-tieni Komunikazzjoni, ippubblikata f’Mejju 2010 (4), esplorat il-finanzjament tar-riżoluzzjoni b’mod li jimminimizza l-periklu morali u jipproteġi l-fondi pubbliċi (5). Il-Komunikazzjoni (2010) 579 finali tistabbilixxi qafas komprensiv tal-UE għall-banek f’diffikultà u l-banek li qed ifallu u l-orjentazzjonijiet ta’ politika li l-Kummissjoni beħsiebha ssegwi. F’Diċembru 2010, tnediet konsultazzjoni pubblika dwar id-dettalji tekniċi tal-qafas leġislattiv li qed jiġi kkunsidrat.

2.3   Il-Kummissjoni beħsiebha tadotta gradwalment skema għall-immaniġjar tal-kriżijiet tal-UE. Bħala l-ewwel pass, qabel is-sajf 2011 hija għandha tadotta proposta leġislattiva għal skema armonizzata tal-UE għall-prevenzjoni tal-kriżijiet u l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek li għandha tinkludi sett komuni ta’ strumenti ta’ riżoluzzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali huma u jindirizzaw il-problema tal-fallimenti transkonfinali tal-banek. It-tieni pass ser ikun li teżamina l-bżonn ta’ iktar armonizzazzjoni bejn l-iskemi tal-insolvenza bankarja. Fl-aħħar nett, it-tielet pass għandu jinkludi l-ħolqien ta’ skema integrata ta’ riżoluzzjoni sal-2014, possibbilment ibbażata fuq Awtorità ta’ Riżoluzzjoni Ewropea unika.

3.   Kummenti

3.1   Ambitu u għanijiet

3.1.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tipproponi qafas tal-immaniġjar tal-kriżijiet “għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha u xi ditti ta’ investiment”“ta’ kwalunkwe tip u qies, u partikolarment istituzzjonijiet sistemikament importanti”. F’nota f’qiegħ il-paġna, il-Kummissjoni tispjega li l-għan politiku tagħha huwa li “tkopri dawk id-ditti ta’ investiment li l-falliment tagħhom jista’ jikkawża instabilità sistemika, u qed tikkunsidra alternattivi dwar kif tista’ tiġi ddefinita dik il-kategorija.” Fil-fatt bosta partijiet tal-Komunikazzjoni ma jirreferux biss għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu iżda anki għad-ditti ta’ investiment mingħajr ma l-kategorija tiġi definita b’mod ċar. Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tiddefinixxi l-kategoriji tad-ditti tal-investiment u l-fondi tal-investiment bil-konsegwenzi pontenzjali sistematiċi involuti u tqis ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li tnediet f’Diċembru 2010. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tevalwa wkoll jekk l-istrumenti u l-poter ta’ riżoluzzjoni proposti fil-COM(2010) 579 finali hux ser ikunu biżżejjed biex jindirizzaw b’mod adegwat il-problemi speċifiċi kollha relatati mal-falliment ta’ ditta ta’ investiment u fond ta’ investiment.

3.1.2   Il-qafas għall-prevenzjoni, l-immaniġjar tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni huwa bbażat fuq seba’ prinċipji u għanijiet mistennija li jiżguraw li l-banek f’diffikultà joħorġu mis-suq mingħajr ma jheddu l-istabbiltà finanzjarja. Il-KESE jappoġġja ħafna minnhom iżda r-raba’ u l-aħħar waħda jistħoqqilhom xi kummenti u kjarifiki:

Il-Kumitat jilqa’ l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar kemm huwa importanti li jitnaqqas il-periklu morali billi jiġi żgurat li l-azzjonisti u l-kredituri jġarrbu telf ġust u adegwat f’riżoluzzjoni bankarja, iżda biss jekk jirċievu t-trattament li jirrifletti l-ordni normali tal-klassifikazzjoni u li jkun dak li kienu jirċievu kieku l-bank ġie stralċat. Matul dan il-proċess, il-kredituri ħafna drabi jiġu trattati mod ieħor minn kif jiġu trattati l-azzjonisti. Il-proposta li t-telf jinġarr kemm mill-azzjonisti kif ukoll mill-kredituri tista’ tqanqal ċertu tħassib ta’ natura legali u tirrikjedi iktar spjegazzjonijiet dwar l-allokazzjoni proporzjonali tat-telf u l-kriterji tal-inklużjoni tal-kredituri fost il-kontributuri: meta u sa liema punt? L-allokazzjoni tat-telf lill-azzjonisti hija prinċipju ġust iżda tqanqal tħassib dwar meta l-kredituri huma mistennija jaqsmu dan it-telf mingħajr ma tikkjarifika dan il-kunċett. Meta u sa liema punt ser jintalab iġorr it-telf il-kreditur? Għandna nikkunsidraw distinzjoni bejn kredituri “ħatja” jew “imprudenti” u kredituri oħra? Barra minn hekk, abbażi ta’ xiex u taħt liema ċirkustanzi, ser jiġi kopert it-telf mill-industrija bankarja sħiħa?

Dwar l-aħħar inċiż: naqblu dwar il-bżonn li jiġu evitati diżastri agħar, iżda l-istqarrija li wieħed mill-għanijiet tal-qafas propost ser ikun li “jiġu limitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni” hija dgħajfa wisq għax il-fatt li istituzzjoni batuta jew, agħar, kważi falluta għandha bżonn xi għajnuna li ser tkun ta’ piż għall-partijiet terzi huwa fih innifsu distorsjoni tal-kompetizzjoni.

3.1.3   B’risposta għall-issikkar regolatorju u l-introduzzjoni ta’ miżuri u strumenti addizzjonali għall-immaniġjar tal-kriżi, is-sistema ta’ “shadow banking” tista’ tkompli tiżviluppa. Il-KESE jirrakkomanda li r-regolaturi u s-superviżuri jippruvaw jillimataw kontaġju tar-riskji lill-banek barra mis-settur bankarju u jiżguraw li l-entitajiet ta’ “shadow banking” iġorru t-telf u jkunu soġġetti għal standards regolatorji adatti.

3.2   L-elementi prinċipali tal-qafas

3.2.1   Il-qafas li tipproponi l-Kummissjoni fil-prinċipju huwa korrett u l-KESE japprova t-tliet gruppi ta’ miżuri proposti:

i.

preparatorji u preventivi,

ii.

intervent bikri ta’ superviżjoni u,

iii.

riżoluzzjoni.

L-implimentazzjoni ta’ dan il-qafas xejn mhu ser tkun sempliċi, u l-KESE jilqa’ l-intenzjoni li tiġi żgurata tranżizzjoni gradwali u lixxa mill-arranġamenti nazzjonali eżistenti għall-qafas propost. Il-bosta inizjattivi proposti minn xi awtoritajiet nazzjonali kif ukoll il-leġislazzjonijiet nazzjonali differenti dwar id-drittijiet tal-proprjetà, il-fallimenti, ir-responsabbiltajiet amministrattivi u penali tal-amministraturi joħolqu bosta ostakli għal tranżizzjoni rapida għall-qafas propost. Il-Kumitat jispera li l-“firxa wiesgħa ta’ alternattivi” ma tiġix użata ħażin f’emerġenzi politiċi, ekonomiċi u soċjali iżda li tintuża sabiex tiżgura l-flessibbiltà fl-adattament tar-regoli nazzjonali għall-leġislazzjoni Ewropa u l-promozzjoni ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni effettiva tal-immaniġjar transkonfinali tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni għal kull tip ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu irrispettivament mid-daqs tagħhom u kemm ikunu interkonnessi.

3.2.2   L-awtoritajiet responsabbli għall-immaniġjar tal-kriżijiet

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tistqarr espliċitament li l-setgħat ta’ intervent bikri ser ikomplu jiġu eżerċitati mis-superviżjoni prudenzjali skont id-Direttiva tar-Rekwiżiti Kapitali (DRK) filwaqt li fir-rigward tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni, kull Stat Membru ser ikollu jidentifika awtorità tar-riżoluzzjoni biex teżerċitahom. Il-KESE japprova r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tkun amministrattiva iktar milli ġudizzjarja iżda huwa konxju tal-ostakli u d-diffikultajiet li ser jakkumpanjaw l-implimentazzjoni tagħha. Il-Kumitat jistenna wkoll li l-Fondi ta’ Riżoluzzjoni Bankarja (FRB) ex-ante nazzjonali proposti fil-COM(2010) 254 finali u COM(2010) 579 finali eventwalment ikollhom sehem fl-eżerċitar tas-setgħat ta’ riżoluzzjoni jekk jiġu stabbiliti skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Komunikazzjonijiet. Anke jekk l-għażla tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni titħalla għad-diskrezzjoni nazzjonali, għandhom jaġixxu skont ir-regoli u l-prinċipji komuni speċifikati minn qafas tal-UE.

3.2.2.1   Il-KESE jemmen ukoll li eżekuzzjoni ta’ suċċess ta’ operazzjoni ta’ riżoluzzjoni ser tirrikjedi koordinazzjoni tajba bejn l-awtorità ta’ riżoluzzjoni magħżula, il-bank ċentrali u l-ministeru tal-finanzi meta l-ebda minn dawn it-tnejn tal-aħħar ikunu l-awtorità ta’ riżoluzzjoni magħżula fl-Istati Membru. Dan huwa essenzjali għal każijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet kbar u sistematikament sinifikanti kif ukoll f’każijiet ta’ riżoluzzjoni simulatanja ta’ bosta istituzzjonijiet finanzjarji.

3.2.3   Miżuri preparatorji u preventivi

Il-miżuri u l-inizjattivi kollha proposti f’din is-sezzjoni huma fil-prinċipju korretti u bla dubju meħtieġa biex ikun hemm implimentazzjoni effettiva tal-qafas tal-Komunikazzjoni. Madankollu, hemm xi mistoqsijiet li ma jistgħux jiġu evitati:

Kemm se jqumu u min se jkopri l-ispejjeż?

L-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet finanzjarji ser jirnexxilhom isibu r-riżorsi professjonali sabiex jilħqu r-rekwiżiti tal-miżuri proposti?

Kemm hemm bżonn żmien sabiex tiġi stabbilita sistema Ewropea li taħdem bis-sħiħ?

3.2.3.1   B’mod iktar speċifiku, is-superviżuri huma mitluba jintroduċu superviżjoni msaħħa, jivvalutaw u jissorveljaw l-ippjanar tal-irkupru u r-riżoluzzjoni, jadottaw miżuri preventivi (Taqsima 3.2, COM(2010) 579 finali), jintervienu fir-riżoluzzjoni ta’ kooperazzjoni stretta mal-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni, eċċ. Fil-prattika, is-superviżuri jsiru s-“super managers” tal-istituzzjonijiet.

Apparti r-rappurtar standard, l-istituzzjonijiet finanzjarji jridu jippreparaw u jressqu quddiem l-awtoritajiet, pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni li għandhom jiġu aġġornati kontinwament. Barra minn hekk l-Istati Membri għandhom joħolqu awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni jew jestendu l-missjoni tal-awtoritajiet eżistenti sabiex jinkludu r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji.

3.2.3.1.1   Dawn l-azzjonijiet kollha huma bla dubju importanti sabiex jinħolqu swieq finanzjarji b’saħħithom u sikuri; il-problema hi li jiġi stabbilit kemm ser jiswew  (6) u li jiġi żgurat li kemm l-awtoritajiet kif ukoll l-istituzzjonijiet finanzjarji jsibu biżżejjed riżorsi umani bi kwalifiki għolja li huma lesti li jwettqu dawn il-kompiti ġodda. L-importanza tal-għan finali tista’ tiġġustifika l-ispejjeż kbar tal-pjan iżda l-iskarsità tar-riżorsi umani tista’ tkun ostaklu kbir. Il-Kummissjoni hija konxja ta’ dan u fid-dokument ta’ konsultazzjoni tistieden lill-Istati Membri sabiex iwettqu valutazzjoni tal-ispejjeż (inklużi l-ispejjeż umani) li probabbilment ser jinġarrbu mis-superviżuri huma u jwettqu l-attivitajiet proposti relatati mas-superviżjoni msaħħa, l-ippjanar għall-irkupru u l-pjani ta’ riżoluzzjoni. Proposta realistika tal-Kummissjoni għandha tiġi akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt tal-ispejjeż u qafas ta’ żmien li fih jiġu impjegati r-riżorsi umani b’kunsiderazzjoni tal-fatt li dawn jistgħu ma jkunux disponibbli immedjatament fis-suq.

3.2.3.2   Apparti l-proposta ta’ valutazzjoni tal-istress mis-superviżuri, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiddeċiedi li l-Programmi ta’ Valutazzjoni tas-Settur Finanzjarju (FSAP) tal-FMI/Bank Dinji (7) jkunu obbligatorji għall-Istati Membri kollha hekk kif jipproponi r-rapport tal-grupp De Larosière (8). Attwalment l-FSAP huwa obbligatorju għal 25 pajjiż membru, li minnhom 11 biss huma Stati Membri tal-UE. L-analiżi u l-valutazzjoni tal-istress li saru mill-FSAP jorbtu l-iżviluppi makroekonomiċi u l-iżbilanċi fl-Istati Membri mal-istabbiltà makrofinanzjarja tagħhom u r-riskji mikroprudenzjali li jagħmluhom strumenti utli u adegwati għas-superviżuri.

3.2.3.3   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar it-trasferibilità tal-assi bħala miżura ta’ prevenzjoni f’sitwazzjonijiet fejn entitajiet tal-grupp jesperjenzaw stress tal-likwidità. Il-Kumitat huwa konvint li sabiex jinżamm il-mudell sussidjarju tan-negozju, il-provvista ta’ kull appoġġ finanzjarju lil entitajiet oħra tal-grupp għandha tkompli tkun volontarja u mhux imposta mill-awtoritajiet superviżorji. Sabiex ma jinxterdux problemi ta’ likwidità, il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni tispeċifika bir-reqqa ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet tat-trasferibilità tal-assi, u jenfasizza li t-trattament ugwali tal-Istati Membri kollha, kemm dawk prinċipali kif ukoll dawk ospitanti, hija s-soluzzjoni sabiex jiġi evitat il-kontaġju u tinżamm l-istabbiltà finanzjarja.

3.2.3.3.1   L-appoġġ finanzjarju għandu jingħata biss taħt ftehim finanzjarju tal-grupp u jekk jiġu rispettati għadd ta’ kundizzjonijiet dwar il-kapital u l-likwidità. Il-kundizzjoni prinċipali għandha tkun li l-appoġġ finanzjarju jingħata biss jekk l-entità li tagħtih tikkonforma u ser tkompli tikkonforma f’kull żmien u taħt kwalunkwe ċirukstanza mar-rekwiżiti prudenzjali tad-Direttiva 2006/48/KE jew kull rekwiżit ogħla dwar il-kapital nazzjonali fil-pajjiż ta’ dak li qed jittrasferixxi. Il-KESE jirrakkomanda li din il-kundizzjoni tiġi rispettata mis-superviżuri u l-medjaturi kollha inkluż l-ABE f’każijiet ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn il-membri tal-kulleġġ jew jekk ma jintlaħaqx ftehim. Nemmnu wkoll li l-appoġġ finanzjarju raggruppat għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mis-superviżuri wara l-valutazzjoni tar-riskju u t-testjar tal-istress biss u li s-suq għandu jkun infurmat dwar kull provvista tal-appoġġ finanzjarju raggruppat.

3.2.3.3.2   Sabiex titħares l-istabbiltà makrofinanzjarja fil-pajjiż ta’ dak li qed jittrasferixxi, is-superviżur tiegħu għandu jkollu l-poter li jiprojbixxi jew jillimita trasferiment tal-assi taħt ftehim ta’ appoġġ finanzjarju tal-grupp jekk jhedded il-likwidità, is-solvenza u l-istabbiltà finanzjarja ta’ dak li qed jittrasferixxi u ta’ pajjiżu.

3.2.4   Skattaturi tal-intervent bikri u r-riżoluzzjoni

3.2.4.1   Dan il-kapitolu kollu jidher li huwa korrett u b’mod ġenerali huwa aċċettabbli. Is-superviżuri għandhom il-kompitu diffiċli u delikat li jidentifikaw mhux biss iċ-ċirkustanzi fejn ir-rekwiżiti tad-DRK ma jintlaqgħux iżda wkoll is-sinjali li juru li dawn ir-rekwiżiti jistgħu ma jiġux irrispettati. Dan jimplika l-bżonn ta’ għodod sofistikati u ħiliet professjonali u attenzjoni ikbar għas-suq.

3.2.4.2   Il-kompiti li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet ta’ intervent kif ukoll l-azzjonijiet deskritti fis-sezzjoni 3.4 jirrikjedu livell għoli ta’ ġudizzju suġġettiv li, minkejja li jkun sod u professjonalment ġustifikat, jista’ jitpoġġa fid-dubju, fil-qorti jew b’modi oħra, minn partijiet terzi jew anke mill-istituzzjoni stess. Għall-awtoritajiet superviżorji, dan jimplika li għandhom ikunu ppreparati li jiffaċċjaw ċerti obbligazzjonijiet u/jew responsabbiltajiet. Forsi xi skattaturi kwantitattivi jistgħu jgħinu lis-superviżuri jieħdu d-deċiżjonijiet dwar intervent bikri b’dipendenza mnaqqsa fuq ġudizzju suġġettiv u espożizzjoni għall-inċertezza legali. Dwar l-iskattaturi għar-riżoluzzjoni, il-Kumitat jilqa’ l-ideat tal-Kummissjoni u jagħraf il-bżonn li jiġu kombinati u bilanċjati b’mod adegwat l-iskattaturi kwantitattivi u kwalitattivi. Nirrakkomandaw ukoll li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-iskattaturi ta’ riżoluzzjoni li huma mistennija juru l-mument preċiż meta l-istrumenti ta’ bail in għandhom jiġu applikati.

3.2.5   Intervent bikri

Il-miżuri li qed tikkunsidra l-Kummissjoni jidhru korretti u aċċettabbli iżda l-ħatra ta’ maniġer speċjali titlob ċerta attenzjoni. Studji legali preċedenti wrew li l-kunċett ta’ “intervent bikri” għandu tifsiriet differenti f’diversi Stati Membri u s-setgħa tal-awtoritajiet superviżorji li jaħtru maniġer speċjali tista’ tvarja wkoll. F’ċerti Stati Membri, il-liġijiet nazzjonali jistgħu jippermettu l-ħatra ta’ maniġers speċjali u jirrikjedu biss emendi minimi. F’għadd ta’ Stati Membri l-bażi legali għall-ħatra ta’ maniġers speċjali teżisti abbażi ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu miżuri ta’ intervent bikri meta bank ma jkunx qed jirnexxilu jilħaq ir-rekwiżit kapitali. Fi Stati Membri oħra, il-liġi nazzjonali tal-kumpaniji tista’ tipprojbixxi l-ħatra ta’ maniġer speċjali minn entità oħra barra mill-bord tal-kumpanija jew l-assemblea ġenerali u liġi ġdida biss tista’ tbiddel jew timmodifika l-leġislazzjoni eżistenti.

3.2.5.1   Dwar is-suġġett tal-obbligazzjonijiet, il-Kummissjoni tistqarr li l-ħatra ta’ maniġer speċjali ma għandhiex timplika garanzija mill-Istat jew tesponi lis-superviżuri għal obbligazzjonijiet. Dan mhuwiex aċċettabbli mil-lat purament legali: prinċipju ġenerali huwa li min jieħu deċiżjoni jew azzjoni huwa responsabbli għall-konsegwenzi tagħha. Kwanlunkwe eċċezzjoni għal prinċipju li mhix appoġġjata mil-liġi wisq probabbli tista’ tiġi kkontestata fil-qorti.

3.2.5.2   Il-KESE jirrakkomanda li l-ħatra ta’ maniġer speċjali għandha tkun possibbli, fuq il-bażi ta’ skattatur iddefinit b’mod ċar, meta s-superviżur li jeżerċita s-setgħat tiegħu taħt l-Artikolu 136 DRK huwa konvint li l-ġestjoni tal-istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx lesta jew kapaċi tieħu l-miżuri meħtieġa. Il-Kumitat huwa konvint li jekk taħt trattament tal-grupp id-deċiżjoni li jinħatar maniġer speċjali għandha tkun legalment vinkolanti, hija għandha tittieħed mis-superviżur konsolidanti iżda f’konsultazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mas-superviżuri ospitanti.

3.2.5.3   Il-ħatra ta’ maniġer speċjali hija sinjal li l-bank għandu l-problemi u dan jista’ jhedded il-fiduċja tad-depożitur u joħloq paniku bankarju. Il-KESE jesprimi tħassib li meta jinħatru maniġers speċjali għal numru ta’ istituzzjonijiet fl-istess perjodu ta’ żmien, dan jista’ joħloq tfixkil serju u għandhom jiġu introdotti miżuri ta’ prekawzjoni addizzjonali li jipproteġu l-banek ikkonċernati u s-settur sħiħ minn kontaġju possibbli u mill-iżvilupp ta’ kriżijiet ta’ kunfidenza.

3.2.6   Riżoluzzjoni

3.2.6.1   L-azzjonijiet ta’ dan il-kapitlu huma maħsuba tajjeb iżda l-Kummissjoni stess tagħraf li jista’ jkun hemm bżonn ta’ riforma tal-liġi dwar l-insolvenza bankarja u li ser tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta’ investigazzjoni (p. 8-9 tal-Komunikazzjoni). Fil-fatt, l-azzjonijiet proposti kollha jistgħu jiġu kkunsidrati bħala proċedura fil-każ ta’ kważi falliment, parallela iżda separata mill-proċeduri normali. Iktar milli riforma, x’aktarx ser ikun hemm bżonn ta’ leġislazzjoni ġdida fil-maġġoranza tal-Istati Membri.

3.2.6.2   Id-differenza prinċipali bejn ir-riżoluzzjoni u l-falliment hija li wara r-riżoluzzjoni l-istituzzjoni, jew parti minnha, tibqa’ ħajja, fatt li jiġġustifika l-gwida u l-involviment tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni u riżoluzzjoni fil-proċedura sħiħa. Iżda dawn l-awtoritajiet m’għandhomx setgħat ġudizzjarji, ħaġa li tikkomplika l-allokazzjoni ta’ setgħat u responsabbiltajiet, jekk mhux ukoll l-obbligazzjonijiet. Il-Kummissjoni hija konxja ta’ dan: meta tindirizza s-salvagwardji għall-kontropartijiet u arranġamenti għas-swieq hija tevoka stħarriġ legali“biex jiġi żgurat li l-partijiet affettwati jkollhom drittijiet xierqa biex jikkontestaw l-azzjonijiet tal-awtoritajiet u jfittxu rimedju finanzjarju”.

3.2.6.3   Hawnhekk l-awtoritajiet jistgħu jiffaċċjaw sitwazzjoni delikata u riskjuża: parti “affettwata” li tixtieq tikkontesta d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tista’ tfittex rimedju ġudizzjarju u l-qorti tista’ tiddeċiedi li tibblokka l-proċedura sħiħa. Dan ir-riskju jeżisti taħt il-leġislazzjoni eżistenti u huwa probabbli ħafna li jseħħ; għandhom isiru l-isforzi kollha sabiex tiġi evitata l-possibbiltà li proċeduri ta’ riżoluzzjoni jiġu posposti jew ibblukkati. Proċeduri bħal dawn għandhom isiru fil-ħin u jkunu rapidi; kwalunkwe dewmien jew ostaklu jistgħu jħassru l-inizjattiva tal-awtoritajiet u jwasslu għal reazzjoni negattiva tas-suq. Bidla fil-leġislazzjoni u l-proċeduri legali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri hija mingħajr dubju meħtieġa iżda billi l-oqsfa ta’ insolvenza u proċeduri legali jvarjaw b’mod sostanzjali f’uħud minnhom, il-bidliet meħtieġa ser ikunu sinifikanti.

3.2.7   Tnaqqis fl-ammont ta’ dejn

Il-KESE jilqa’ l-isforz tal-Kummissjoni li tanalizza l-isfidi tar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji kumplessi u kbar (IFKK) u l-kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-istrument tat-tnaqqis fil-valur tad-dejn. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas fejn dan l-istrument jikkontribwixxi b’mod effettiv għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet kollha fi ħdan l-iskema, inklużi l-IFKK, u jenfasizza l-importanza ta’ qafas internazzjonali komuni. Nisperaw li l-Kummissjoni tikkunsidra l-ftehim tal-Kumitat ta’ Basel li l-istituzzjonijiet finanzjarji ta’ importanza sistemika għandu jkollhom kapaċità ta’ assorbiment tat-telf li tmur lil hinn mill-istandards minimi. Il-Kumitat jenfasizza li l-istrumenti ta’ bail in jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala mezz ta’ kif tiżdied il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf tal-istituzzjonijiet finanzjarji, inklużi dawk ta’ importanza sistemika, u jilqa’ l-applikazzjoni tagħhom bħala alternattiva għas-salvataġġ finanzjarju (“bail out”) bil-fondi pubbliċi. Madankollu, il-KESE jesprimi għadd ta’ punti ta’ tħassib fir-rigward tat-tfassil u l-applikazzjoni tal-istrumenti ta’ bail in u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tistudjahom u tindirizzahom b’kawtela ikbar.

3.2.7.1   Il-KESE jemmen li fit-tfassil u l-eżerċitar tas-setgħa ta’ tnaqqis fil-valur tad-dejn, il-klassifika tal-ilmenti abitwali stabbilita mil-liġi dwar l-insolvenza għandha kemm jista’ jkun tiġi rrispettata. Kull tbegħid minnha f’ċirkustanzi eċċezzjonali għandha tiġi stabbilita ex ante u titħabbar minn qabel.

3.2.7.2   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-iskema hija kredibbli u li l-effetti ta’ spill-over ser jiġu evitati f’każijiet fejn l-investituri prinċipali fl-istrumenti ta’ bail in tal-banek ikunu banek oħra b’negozji interkonnessi. L-effettività tal-istrumenti tal-bail in f’perjodu ta’ kriżijiet sistemiċi u l-effetti tal-attivazzjoni simultanja tagħhom minn ħafna istituzzjonijiet finanzjarji għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa u għandhom jiġu proposti miżuri addizzjonali sabiex jiġu evitati problemi potenzjali serji.

3.2.7.3   Il-Kummissjoni għandha tanalizza bir-reqqa l-imġiba potenzjalment proċiklika u l-volatilità tal-istrumenti tal-bail out f’perjodi ta’ kriżi u għandu jqis meta u sa liema punt wieħed għandu jibbaża ruħu fuqhom f’tali ċirkustanzi.

3.2.7.4   Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta’ impatt tad-diversi strumenti ta’ bail out fuq ir-reżistenza ġenerali tas-settur bankarju u s-swieq finanzjarji.

3.3   Koordinazzjoni tal-immaniġjar transkonfinali tal-kriżi

3.3.1   Riżoluzzjoni koordinata tal-gruppi bankarji tal-UE

3.3.1.1   Il-KESE jilqa’ t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-ksib ta’ koordinazzjoni transkonfinali adegwata tal-immaniġjar tal-kriżi u jinsisti li l-arranġamenti għandhom jiżguraw it-trattament ugwali tal-kredituri u l-azzjonisti fl-Istati Membri kollha - kemm dawk prinċipali kif ukoll dawk ospitanti, jipproteġu kontra l-kontaġju u jżommu l-istabbiltà finanzjarja fl-Istati Membri kollha.

3.3.1.2   Fir-raba’ Taqsima l-Kummissjoni tistqarr tajjeb li fil-każ ta’ falliment hemm bżonn ta’ azzjoni koordinata u li “il-miżuri spjegati fit-Taqsima 2 ser jiżguraw li l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni jkollhom l-istess għodod u setgħat.” Stqarrija bħal din madankollu, donnha tmur kontra stqarrija oħra li saret fil-bidu tat-3 Taqsima: “il-qafas ma għandux ikun preskrittiv dwar liema miżuri jintużaw f’każ partikolari.

3.3.1.3   Azzjoni koordinata teħtieġ rieda komuni li jiġu adottati l-istess miżuri, kundizzjoni li fid-dawl tal-esperjenza tal-passat, probabbli mhix ser issir realtà. Huwa minnu li hija u tfassal Taqsima 3, il-Kummissjoni probabbilment irreferiet għall-każijiet nazzjonali biss filwaqt li Taqsima 4 tirreferi għal kriżijiet transkonfinali fejn il-kompetenza taqa’ taħt Awtorità Superviżorja Ewropea (ASE). Madankollu, l-istqarrija xorta tagħmel sens: jekk kull awtorità nazzjonali hija ħielsa li tagħżel il-proċeduri tagħha, dawk imposti mill-ASE jistgħu jvarjaw jew ikunu f’kunflitt mal-proċeduri nazzjonali. F’każ bħal dan, il-proċeduri li jikkonċernaw il-kredituri tal-fergħat nazzjonali ta’ bank barrani jistgħu jkunu differenti mill-proċeduri li jikkonċernaw il-kredituri ta’ bank nazzjonali. Dan jista’ jqajjem tħassib dwar l-ugwaljanza bejn id-drittijiet tal-kredituri u possibbilment twassal għal każijiet ta’ kunflitt bejn ir-regoli tas-suq intern. Uħud minn dawn il-kwistjonijiet ġew indirizzati fid-dettall fid-dokument ta’ konsultazzjoni u nisperaw li l-konsultazzjoni ssolvi ħafna minnhom.

3.3.1.4   Aħna konxji li l-Istati Membri ser jirreżistu l-idea ta’ regoli preskrittivi u li l-pożizzjoni opposta tista’ ma tkunx realistika; madankollu, jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom wisq libertà tal-għażla dan iwassal għal diffikultajiet meta jinqalgħu kriżijiet internazzjonali li jikkonċernaw lill-gruppi. Probabbilment ser ikun hemm bżonn ta’ koordinazzjoni ta’ xi aspetti prinċipali tal-proċeduri (eventwalment taħt l-umbrella tal-ASE) qabel ma jiġu adottati regoli nazzjonali.

3.3.1.5   Fir-rigward tal-qafas ta’ koordinazzjoni, il-Kummissjoni tqis żewġ riformi: waħda bbażata fuq kulleġġi ta’ riżoluzzjoni u oħra fuq awtoritajiet tar-riżoluzzjoni tal-grupp. Din tal-aħħar hija iktar razzjonali, flessibbli u effettiva għax ir-rwol prinċipali jkun tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni bl-involviment tal-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) bħala osservatur. L-oħra, li tikkonsisti fi tkabbir tal-kulleġġi ta’ superviżjoni eżistenti u magħhom l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni, tista’ tesperjenza problemi ta’ teħid rapidu tad-deċiżjonijiet minħabba kwistjonijiet ta’ superviżjoni u riżoluzzjoni.

3.3.1.6   Tħassib prinċipali: l-iskema tar-riżoluzzjoni ta’ grupp ma tkunx zvinkolanti. L-awtoritajiet nazzjonali li ma jaqblux mal-iskema jkunu ħielsa li jieħdu “azzjoni indipendenti” minkejja li “jkunu meħtieġa” jqisu l-impatt tad-deċiżjoni tagħhom fuq Stati Membri oħra, “jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom” lill-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni u jiddiskutu r-raġunijiet tagħhom mal-membri l-oħra tal-kulleġġ. L-esperjenza tal-passat mill-ġdid tagħti lok għal kumment negattiv dwar dan: meta l-interessi nazzjonali huma fin-nofs, hemm probabbiltà kbira li kull awtorità nazzjonali ser tħarishom qabel kwalunkwe tħassib ieħor. Il-proċedura proposta hija goffa wisq, tieħu wisq ħin u mhix applikabbli f’każijiet fejn l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom jaġixxu immedjatament. Mhuwiex realistiku li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom jistennew u jżommu lura milli jadottaw miżuri nazzjonali sakemm l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni fil-livell tal-grupp jieħdu deċiżjoni b’mod partikolari f’każijet fejn is-sussidjarji huma kbar wisq għas-suq lokali.

3.3.1.7   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tissemplifika l-proċedura li taħtha l-Istati Membri li ma jaqblux mal-pjan propost ikunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom.

3.4   Il-finanzjament tar-riżoluzzjoni

Il-KESE diġà kkummenta dwar dan is-suġġett permezz tal-Opinjoni dwar “Il-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja” (9). Nixtiequ nerġgħu nenfasizzaw li kwalunkwe abozz ta’ dispożizzjoni leġislattiva fil-qasam għandu jkun akkumpanjat minn analiżi dettaljata u valutazzjoni tal-impatt b’kunsiderazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ imposti jew taxxi bankarji f’xi Stati Membri.

3.4.1   Il-fondi ta’ riżoluzzjoni u l-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (SGD)

Il-KESE diġà esprima fehmtu dwar il-FRB u u s-SGD f’Opinjoni reċenti (10).

3.4.2   It-tfassil tal-fondi ta’ riżoluzzjoni

3.4.2.1   Jeżisti xi tħassib dwar sentenza finali li tagħti l-impressjoni li hija innoċenti: “…u l-kostijiet li jeċċedu l-kapaċità tal-fond jiġu sussegwentement irkuprati mis-settur bankarju.” Li wieħed jitlob lil professjoni sħiħa tkopri t-telf ikkawżat minn membru wieħed mhijiex politika insolita iżda l-kundizzjonijiet biex dan isir għandhom ikunu definiti b’mod strett ħafna u jkunu ppreċeduti minn analiżi fil-fond tal-konsegwenzi. Hemm bżonn ta’ bażi legali adatta. L-impożizzjoni ta’ kontributi għal fond permezz ta’ regolament hija proċedura aċċettata iżda hemm bżonn ta’ liġi li tkopri t-telf għad-debitu ta’ partijiet terzi.

3.4.2.2   Fir-rigward tal-bażi għall-kontributi, approċċ aċċettabbli armonizzat jista’ jkun ibbażat fuq it-total tal-obbligazzjonijiet wara l-evalwazzjoni kwalitattiva tagħhom jew obbligazzjonijiet li jeskludu d-depożiti garantiti. Iżda għal darba oħra titfaċċa l-problema tal-flessibbiltà: kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi b’mod differenti “sakemm dan ma jirriżultax f’distorsjoni għas-Suq Intern”. Kriterji differenti jwasslu għal sistemi ta’ kontribuzzjoni differenti u għal livelli differenti ta’ spejjeż għal kull industrija nazzjonali: distorsjoni hija r-riżultat inevitabbli tal-flessibbiltà.

3.4.2.3   Bosta Stati Membri diġà introduċew taxxi u dazji li għalihom il-parametri (bażi, rata u ambitu) ivarjaw b’mod konsiderevoli. Fir-rigward ta’ dawn id-differenzi, il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata koordinazzjoni adegwata fuq perjodu qasir permezz tal-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet prattiċi, inklużi ftehimiet bilaterali fejn adegwat. Barra minn hekk nixtiequ nenfasizzaw mill-ġdid l-importanza ta’ flessibbiltajiet integrati fis-sistemi tad-dazji nazzjonali fil-perijodu qasir fid-dawl tat-tibdil li qed isir fiż-żona regolatorja u l-iżviluppi lejn soluzzjoni wiesgħa u mifruxa fl-UE fuq perjodu medju.

3.4.3   Id-daqs tal-fondi

Il-KESE diġà kkummenta dwar dan f’Opinjoni reċenti (11). Mill-ġdid, hemm bżonn ta’ valutazzjoni kwantitattiva tal-impatt kif ukoll evalwazzjoni tal-impatt ta’ iktar tnaqqis ta’ fondi mir-riżorsi disponibbli għall-kreditu tas-settur finanzjarju, flimkien mal-effetti tad-DRK.

3.5   Il-passi li jmiss u ħidma futura

3.5.1   Il-passi li jmiss: qafas ta’ koordinazzjoni

Bla dubju, il-liġijiet nazzjonali tal-insolvenza ser ikollhom jiġu modifikati biex jakkomodaw ir-regoli l-ġodda dwar ir-riżoluzzjoni iżda kif u kemm dan ser jieħu żmien huma elementi miftuħa għal spekulazzjoni. Il-modifikazzjoni ta’ liġi titlob l-involviment tal-gvernijiet u l-parlamenti: proċedura normalment twila iktar u iktar fejn jidħlu kwistjonijiet sensittivi. Qabel ma tadotta regolament ġdid, il-Kummissjoni għandha tipprova tevita konflitt ma’ prinċipji stabbiliti f’ċerti Stati Membri.

3.5.2   Qafas ta’ insolvenza (perjodu medju)

Il-likwidazzjoni amministrattiva hija proċedura magħrufa iżda fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri sseħħ minn likwidatur maħtur minn tribunal u taħt is-superviżjoni tiegħu. Il-likwidazzjoni tal-banek allokati lill-awtorità tal-entitajiet amministrattivi bankarji u li jaqgħu taħt l-awtorità tagħhom tkun tfisser it-trasferiment tas-setgħa mill-awtoritajiet ġudizzjarji għall-awtoritajiet amministrattivi: fattur li jista’ jkun f’kunflitt mal-liġijiet nazzjonali jew saħansitra l-kostituzzjonijiet.

3.5.3   Il-qafas tal-immaniġjar tal-kriżijiet propost mill-Kummissjoni għas-settur finanzjarju jvarja mill-approċċ tal-immaniġjar tal-kriżijiet li applikaw reċentement xi Stati Membri taħt il-programmi appoġġjati mill-UE u l-FMI (12). Dawn isemmu r-rikapitalizzazzjoni tal-banek bil-fondi pubbliċi, inklużi l-fondi tal-UE-FMI, li tista’ tkompli għaddejja matul is-snin li ġejjin, fl-istess żmien meta suppost għandhom jiġu implimentati fil-bqija tal-UE l-qafas Ewropew tal-immaniġjar tal-kriżijiet u l-Fondi ta’ Riżoluzzjoni tal-Banek (FRB). Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tipproponi miżuri ta’ tranżizzjoni f’qafas ta’ żmien realistiku li jippermetti lill-Istati Membri li jorganizzaw tranżizzjoni rapida, mingħajr problemi u sħiħa għal qafas tal-immaniġjar tal-kriżijiet propost tal-UE u l-FRB, kompatibbli mal-bżonn li jiġi evitat li jiddgħajfu s-setturi bankarji tagħhom.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara wkoll ĠU C 107, 6.4.2011, p. 16, fejn iddiskutejna fid-dettall l-ispejjeż relatati mal-qafas tal-immaniġjar tal-kriżi u l-fondi ta’ riżoluzzjoni bankarja (FRB) b’mod partikolari, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ dawn għas-settur finanzjarju u l-ekonomija b’mod iktar ġenerali.

(2)  Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE presedut minn Jacques de Larosière, rapport, 25 ta’ Frar 2009, Brussell, p.64.

(3)  COM(2009) 561.

(4)  COM(2010) 254.

(5)  Ara http://ec.europa.eu/internal_market/bank/guarantee/index_en.htm

(6)  Dwar l-ispejjeż tal-finanzjament ara sezzjoni 3.4 tal-COM(2010) 579 finali u Opinjoni ĠU C 107, 6.4.2011, p. 16.

(7)  Ara FMI, Programm ta’ Valutazzoni tas-Settur Finanzjarju, 2011, www.imf.org

(8)  Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE presedut minn Jacques de Larosière, rapport, 25 ta’ Frar 2009, Brussell, p.64.

(9)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 16.

(10)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 9.

(11)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 9.

(12)  Ara r-rapporti tal-pajjiżi għall-Greċja (Nru 1168) u l-Irlanda (Nru 10366 u Nru 1147).


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/108


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji”

COM(2010) 716 finali

2011/C 248/18

Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar it-8 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar fis-settur tas-servizzi finanzjarji

COM(2010) 716 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'105 voti favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jistqarr li huwa favur ħafna l-ħolqien ta’ sistema sopranazzjonali ta’ sanzjonijiet li jkunu tassew effikaċi, proporzjonati u dissważivi, u jaqbel mal-approċċ li l-Kummissjoni adottat fil-Komunikazzjoni tagħha bil-għan li jiġi żgurat sett minimu ta’ regoli komuni li l-Istati Membri ser ikollhom jirrispettaw huma u jiddefinixxu s-sanzjonijiet amministrattivi li japplikaw fil-każ ta’ ksur tal-leġislazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji.

1.2   Il-qafas regolatorju li qed jinħoloq huwa intiż biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-prinċipji legali li diġà qed jiġu applikati b'suċċess mill-UE, bħall-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, li f'dan il-każ qed jintuża biex jiġu applikati sanzjonijiet proporzjonati għall-ħsara kkawżata, ħaġa li qed issir b'mod eżemplari fir-rigward tal-ksur tar-regoli finanzjarji, jew il-politika ta’ “klemenza” li hija karatteristika tal-proċeduri ta’ investigazzjoni u ta’ repressjoni tal-prattiki li jmorru kontra l-kompetittività u li hija ta’ importanza partikolari fir-rigward tar-rwol eċċezzjonali li l-impjegati tal-istabbilimenti finanzjarji jistgħu jaqdu fid-denunzjar tal-vjolazzjonijiet.

1.3   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li t-terminu “sanzjonijiet” għandu jingħata sens wiesa' li jkopri kemm il-miżuri amministrattivi ta’ tassazzjoni, kif ukoll il-miżuri ta’ stabbiliment mill-ġdid tal-legalità, ta’ konfiska u ta’ skwalifika tad-diriġenti, l-azzjonijiet ta’ rtirar ta’ privileġġi (bħall-irtirar ta’ liċenzja), is-sanzjonijiet finanzjarji, ħlasijiet perjodiċi ta’ penali u miżuri oħra simili.

1.4   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-mezzi possibbli għall-prevenzjoni tal-attivitajiet finanzjarji qarrieqa li jibdew jew jispiċċaw f'rifuġji fiskali u finanzjarji u li jinvolvu movimenti tal-kapital li għandu mnejn ikollhom effett fuq il-funzjonament tas-suq intern.

1.5   Bħala miżuri komplementari għas-sanzjonijiet, jeħtieġ li jiġu previsti d-danni punittivi kif ukoll il-konfiska ta’ benefiċċji illegali. Bħalma l-KESE ssuġġerixxa diversi drabi (1), l-ammonti korrispondenti għandhom imorru ġo “fond ta’ għajnuna għall-azzjoni kollettiva” li l-missjoni tiegħu tkun li jagħmilha aktar faċli għall-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi biex jieħdu azzjoni kollettiva biex jitolbu kumpens jew rimedju. F'dan ir-rigward, il-KESE (2) jfakkar lill-Kummissjoni li kemm-il darba enfasizza l-bżonn li tiġi adottata regolamentazzjoni sopranazzjonali sabiex l-azzjonijiet kollettivi jiġu armonizzati.

1.6   Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tqis il-fatt li l-UE trid tiffirma ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi terzi sabiex issaħħaħ l-impatt barra mit-territorju tal-leġislazzjoni attwali dwar sanzjonijiet finanzjarji, u b'hekk tiggarantixxi li hija kapaċi tiffaċċja b'mod effettiv u disważiv il-ksur tal-leġislazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-kriżi finanzjarja qajmet dubju dwar jekk ir-regoli tas-swieq finanzjarji jiġux rispettati u applikati dejjem kif suppost fl-UE kollha. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ infurzar tar-regoli tal-UE fi Stat Membru jista' jkollu implikazzjonijiet sinifikanti fuq l-istabbiltà u l-funzjonament tas-sistema finanzjarja fi Stat Membru ieħor.

2.2   Il-Kunsill ECOFIN talab lill-Kummissjoni u lit-tliet Kumitati tas-Superviżuri (il-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej – KSBE, il-Kumitat tas-Superviżuri Ewropej tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol – CEIOPS u l-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli – KRET) biex iwettqu analiżi transsettorjali rigward il-koerenza, l-ekwivalenza u l-użu reali tas-setgħat tas-sanzjonar fl-Istati Membri.

2.3   Fil-livell internazzjonali, it-tisħiħ tar-reġimi tas-sanzjonar huwa wieħed mill-elementi tar-riforma tas-sistema finanzjarja, bħalma ħareġ fid-dieher fis-summit tal-mexxejja tal-G-20 li sar Washington fil-15 ta’ Novembru 2008. Barra minn hekk, id-Dodd-Frank Wall Street Reform and Consumer Protection Act (Lulju 2010) tipprovdi riforma komprensiva tas-sistema finanzjarja Amerikana.

3.   Il-Komunikazzjoni

3.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li qed tiġi eżaminata hawnhekk hija bbażata fuq l-istudji msemmija hawn fuq u d-diskussjonijiet li saru mal-Istati Membri, tippreżenta l-oqsma li jistgħu jittejbu u tissuġġerixxi miżuri li l-UE tista' tieħu biex iżżid il-konverġenza u l-effikaċja tar-reġimi tas-sanzjonar. Fis-settur finanzjarju, reġimi tas-sanzjonar effiċjenti huma element kruċjali tar-reġim superviżorju li għandu jiżgura swieq finanzjarji sodi u stabbli u l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-investituri.

3.2   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni sħiħa tal-leġislazzjoni tal-UE, is-sanzjonijiet iridu jkunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi. Is-sanzjonijiet jistgħu jitqiesu effikaċi meta dawn ikunu kapaċi jiżguraw konformità mal-leġislazzjoni tal-UE, proporzjonati meta jirriflettu adegwatement il-gravità tal-vjolazzjoni u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet ikkonċernati, u dissważivi meta jkunu serji biżżejjed biex jiskuraġġixxu l-awturi ta’ vjolazzjonijiet milli jirrepetu l-istess reat, u trasgressuri potenzjali oħra milli jikkommettu tali vjolazzjonijiet.

3.3   Skont il-qafas legali eżistenti, l-Istati Membri jgawdu awtonomija konsiderevoli f'termini ta’ għażla u applikazzjoni tas-sanzjonijiet nazzjonali. Madankollu, din l-awtonomija għandha tiġi bbilanċjata bil-ħtieġa għal applikazzjoni effikaċi u konsistenti tal-leġislazzjoni Ewropea.

3.4   Id-direttivi u r-regolamenti Ewropej fis-seħħ bħalissa fil-qasam finanzjarju essenzjalment fihom erba' gruppi ta’ dispożizzjonijiet tas-sanzjonar:

il-koordinazzjoni tas-setgħa li jiġu imposti sanzjonijiet bejn għadd ta’ Stati Membri;

l-obbligu għall-Istati Membri biex jipprevedu l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet u miżuri amminsitrattivi adatti, u biex jiżguraw li dawn ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi; ġeneralment, ma ssir l-ebda distinzjoni bejn miżuri investigattivi, preventivi u ripressivi;

grupp ieħor li jittratta s-sanzjonijiet li għandhom jiġu applikati għal vjolazzjonijiet speċifiċi;

ir-raba' grupp jipprevedi li l-awtoritajiet nazzjonali jippubblikaw il-miżuri u s-sanzjonijiet f'ċerti ċirkostanzi.

3.5   L-analiżi tar-reġimi tas-sanzjonar turi li jeżistu diverġenzi bejn l-Istati Membri. Dawn id-diverġenzi jistgħu joriġinaw minn diversi fatturi, inklużi d-differenzi fis-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri, rekwiżiti kostituzzjonali, il-funzjonament tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u r-rwol tal-qrati (amministrattivi u kriminali).

3.6   Il-Kummissjoni sabet id-diverġenzi u d-dgħufijiet li ġejjin fir-reġimi tas-sanzjonar nazzjonali:

xi awtoritajiet kompetenti ma għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom tipi importanti ta’ setgħat tas-sanzjonar għal ċerti vjolazzjonijiet;

il-livelli ta’ sanzjonijiet pekunarji amministrattivi (multi) ivarjaw sew bejn l-Istati Membri u huma baxxi wisq f'xi Stati Membri;

hemm diverġenza fin-natura (amministrattiva jew kriminali) tas-sanzjonijiet previsti fil-leġislazzjoni nazzjonali;

il-livell ta’ applikazzjoni tas-sanzjonijiet ivarja bejn l-Istati Membri.

3.7   Il-Kummissjoni tqis li d-diverġenzi dwar l-aspetti essenzjali tar-reġimi tas-sanzjonar jistgħu jwasslu għal nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji, jippreġudikaw serjament il-protezzjoni tal-konsumaturi u l-integrità tas-swieq, joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, ikollhom impatt negattiv fuq is-superviżjoni finanzjarja u, fl-aħħar nett, inaqqsu l-fiduċja fis-settur finanzjarju.

3.8   Il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn ta’ aktar konverġenza u rinfurzar tar-reġimi tas-sanzjonar biex jiġi pprevenut ir-riskju ta’ funzjonament ħażin tas-swieq finanzjarji. Għalhekk, tipproponi li jiġu stabbiliti regoli minimi komuni li jagħmluha possibbli li r-reġimi nazzjonali tas-sanzjonar jersqu ftit jew wisq lejn xulxin, u dawn għandhom jindirizzaw l-aspetti li ġejjin:

tipi adegwati ta’ sanzjonijiet amministrattivi għall-vjolazzjonijiet ta’ dispożizzjonijiet kruċjali;

pubblikazzjoni tas-sanzjonijiet;

livell għoli biżżejjed ta’ multi amministrattivi;

sanzjonijiet previsti kemm għal individwi kif ukoll għal istituzzjonijiet finanzjarji;

kriterji adatti biex jitqiesu meta jiġu applikati s-sanzjonijiet;

introduzzjoni possibbli ta’ sanzjonijiet kriminali għall-vjolazzjonijiet l-aktar gravi;

mekkaniżmi adatti li jappoġġaw l-applikazzjoni effikaċi tas-sanzjonijiet.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-pożizzjoni tal-KESE

4.1.1   Il-Kumitat jilqa' b'mod pożittiv ħafna l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li globalment tiddefendi t-tfassil ta’ qafas regolatorju sopranazzjonali aktar effikaċi għall-vjolazzjonijiet tal-istabbilimenti u l-operaturi finanzjarji, fil-kuntest ta’ definizzjoni mill-ġdid tar-regoli internazzjonali dwar is-suq tal-kapital.

4.1.2   Fil-fatt, il-Komunikazzjoni tinkorpora l-ispirtu tal-pożizzjonijiet politiċi li ttieħdu waqt is-summits tal-G-20, b'mod partikolari dawk ta’ Washington (2008), Londra (2009) u Seoul (2010), kif ukoll il-pożizzjonijiet tal-UE li ġew konklużi fl-ogħla livell istituzzjonali (ħolqien tal-Awtoratijiet tas-Superviżjoni Finanzjarja, riforma tad-Direttiva MiFID, ftehim dwar fondi ta’ investiment b'livell għoli ta’ riskju, bħall-hedge funds, eċċ.)

4.2   Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

4.2.1   Huwa ċar li l-Komunikazzjoni hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Hija tisħaq fuq ir-responsabbiltà ewlenija tal-awtoritajiet nazzjonali li jiżguraw b'mod ikkoordinat u integrat implimentazzjoni konsistenti tal-qafas fis-seħħ u tar-reġim futur tas-sanzjonar applikabbli f'każ ta’ vjolazzjonijiet fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Barra minn hekk, id-dokument jillimita ruħu għas-sanzjonijiet li huma fil-kompetenza ta’ dawn l-awtoritajiet.

4.2.2   Madankollu, hemm każi ta’ “vjolazzjonijiet intra-Ewropej”, li jitwettqu minn awturi li joperaw fi Stati Membri differenti tal-Unjoni Ewropea u li għandhom effett fis-suq uniku kollu kemm hu. F'dawn il-każi, jeħtieġ li:

jiġi ddeterminat b'mod ċar min għandu l-kompetenza biex jiftaħ il-proċedura ta’ sanzjonar sabiex jiġi evitat li l-awturi tal-vjolazzjonijiet iffitxu s-sistema legali li hija l-aktar favorevoli għalihom (forum shopping) u b'hekk jagħżlu l-awtoritajiet nazzjonali li japplikaw l-anqas sanzjonijiet ħorox;

barra minn hekk, ċerti kompiti u responsabbiltajiet jiġu ddelegati lil awtoritajiet kompetenti oħrajn taħt ċerti kundizzjonijiet;

kultant u b'mod eċċezzjonali, l-Awtoritajiet tas-Superviżuri Ewropej jingħataw il-kompetenza skont il-kwistjoni kkonċernata.

4.2.3   L-azzjoni sopranazzjonali tista' tiġi ġġustifikata permezz tal-ħtieġa li jkun hemm konverġenza bejn ir-reġimi nazzjonali tas-sanzjonar fil-qasam amministrattiv jew kriminali li bħalissa fihom nuqqasijiet serji li ma jippermettux l-ekwivalenza jew li japplikaw kriterji totalment differenti. Kull Stat Membru għandu jagħżel it-triq kriminali jew amministattiva filwaqt li jirrispetta l-prinċipji tal-ekwivalenza u l-effikaċja skont it-termini stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.2.4   Filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tat-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-amministrazzjonijiet u s-sistemi legali, il-qafas regolatorju li qed jinħoloq huwa intiż biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-prinċipji legali li diġà qed jiġu applikati b'suċċess mill-UE, bħall-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, li f'dan il-każ qed jintuża biex jiġu applikati sanzjonijiet proporzjonati għall-ħsara kkawżata, ħaġa li qed issir b'mod eżemplari fir-rigward tal-ksur tar-regoli finanzjarji, jew il-politika ta’ “klemenza” li hija karatteristika tal-proċeduri ta’ investigazzjoni u ta’ repressjoni tal-prattiki li jmorru kontra l-kompetittività u li hija ta’ importanza partikolari fir-rigward tar-rwol eċċezzjonali li l-impjegati tal-istabbilimenti finanzjarji jistgħu jaqdu fid-denunzjar tal-vjolazzjonijiet.

4.2.5   Huwa ċar li s-sanzjonijiet u l-pieni applikati għall-awturi ta’ vjolazzjonijiet għandhom ikunu ħorox fil-każijiet kollha u għandu jkollhom effet dissważiv sabiex jiġi evitat li jitwettqu reati li ma jistgħux jiġu ttollerati f'soċjetà demokratika. Madankollu, il-ħruxija għandha timxi id f'id ma’ trattament favorevoli – it-tnaqqis sostanzjali, jew saħansitra t-tneħħija, tas-sanzjoni jew tal-piena – għal dawk li jikkooperaw u li, b'hekk, jippermettu li jinkixfu jew li jiġu stabbiliti sitwazzjonijiet illegali.

4.2.6   Il-KESE jqis li sistema ta’ kxif jew denunzjar, fuq il-mudell tad-Dodd-Frank Act, tista' tkun mod tajjeb kif jiġi kkonsolidat is-suq intern tas-servizzi finanzjarji sabiex il-funzjonament tiegħu jitjieb billi tiġi stabbilita sistema ta’ motivazzjoni finanzjarja akkumpanjata minn inċentivi għal dawk li jiddenunzjaw il-vjolazzjoni tal-leġislazzjoni applikabbli għas-servizzi finanzjarji lill-Awtoritajiet ta’ Superviżjoni Finanzjarja.

4.2.7   Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu eliminati ċerti ostakli leġislattivi li għadhom jeżistu f'xi stati Membri, li jipprojbixxu dawn l-azzjonijiet bl-iskuża tal-protezzjoni ta’ “sigrieti” professjonali, kif ukoll ostakli oħra marbuta mal-kunfidenzjalità, li jistgħu jkunu ta’ ħsara għal kull min jiddenunzja vjolazzjoni. Ikun x'ikun il-każ, jeħtieġ li jiġi ggarantit li l-impjegati jkunu protetti permezz ta’ programmi li jħarsu l-interessi tagħhom.

4.2.8   Fuq dawn il-punti, id-Direttiva dwar il-ħasil tal-flus fis-seħħ bħalissa diġà tipprevedi li l-impjegati ta’ entitajiet finanzjarji li jiddenunzjaw operazzjonijiet suspettużi jibbenefikaw minn trattament favorevoli ta’ dan it-tip, kif ukoll minn protezzjoni kontra rikperkussjonijiet eventwali ta’ natura professjonali jew ta’ natura oħra.

4.3   Punti li tħallew barra fil-Komunikazzjoni

4.3.1   Madankollu, meta wieħed jeżamina l-Komunikazzjoni, jista' jinnota li l-vjolazzjonijiet ittrattati mill-Kummissjoni jikkonċernaw b'mod ġenerali l-azzjonijiet ta’ individwi u ta’ persuni fiżiċi jew morali li jistgħu jkunu soġġetti għal proċedimenti amministrattivi jew kriminali. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma tikkunsidrax ir-reati jew l-omissjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, b'mod partikolari dawk li għandhom kompetenzi fil-qasam tar-regolamentazzjoni u tas-superviżjoni tas-swieq finanzjarji, li l-funzjonament ħażin tagħhom jaf joħloq effetti negattivi serji għas-suq intern u l-interessi tal-konsumaturi.

4.3.2   Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-eliminazzjoni meħtieġa tal-“ostakli inviżibbli” li kienu u għadhom ostakli li ma jistgħux jingħelbu fir-rigward tat-tħaddim tal-libertajiet ekonomiċi fundamentali, bħal-użu abbużiv tas-setgħa diskrezjonarja fil-mument li fih tiġi ddeterminata l-adegwatezza tad-diretturi ta’ stabbiliment tal-kreditu (3) jew tal-assigurazzjoni, jew id-deċiżjoni dwar l-inkompatibbiltà tal-azzjonarji li għandhom “parteċipazzjoni kwalifikattiva” tal-kapital ta’ stabbiliment finanzjarju (4), eċċ.

4.3.3   Id-dispożizzjonijiet interni li għalissa ma jeżistux għandhom jittieħdu fl-Istati Membri sabiex tiġi enfasizzata r-responsabbiltà tal-amministratturi tal-istabbilimenti finanzjarji li, minħabba n-natura sistemika tagħhom, għandhom mnejn ikunu ta’ ħsara enormi għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u l-konsumaturi minħabba l-ġestjoni imprudenti jew qarrieqa tagħhom.

4.3.4   Bħalissa, kull min hu impjegat fi stabbiliment finanzjarju, anke jekk qajla jkollu importanza għas-suq, jista' jiġi sanzjonat serjament jekk iwettaq reati ta’ korruzzjoni, ta’ frodi jew ta’ ħasil ta’ flus, filwaqt li l-amministraturi ta’ dawn l-istess stabbilimenti, li huma responsabbli għall-ħsarat ikkawżati minn vjolazzjonijiet finanzjarji, jistgħu jiskapulaw is-sanzjonijiet kriminali jew amministrattivi, kif jiġri f'ċerti Stati Membri. Din is-sitwazzjoni mhijiex affattu ġustifikata. Jista' jiġi konkluż li l-funzjonament tal-governanza korporattiva jippreżenta nuqqasijiet serji.

4.4   Ir-reċiproċità

4.4.1   F'dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tadotta perspettiva ffukata wisq fuq l-UE: hija tikkonċentra fuq xenarji intra-Ewropej, mingħajr ma tanalizza l-azzjonijiet li jsiru fl-istabbilimenti finanzjarji ta’ pajjiżi terzi, li jistgħu wkoll jinfluwenzaw il-funzjonament tas-suq intern minħabba l-ftuħ tas-swieq tal-kapital u l-faċilità relativa li biha dawn l-istabbilimenti joperaw b'sistema ta’ stabbiliment ħieles, permezz ta’ prattiki ttollerati bħall-intrapriżi konġunti jew il-“leap-frogging”.

4.4.2   Barra minn hekk, billi m'hemmx sistema komuni li tiffaċilita politika ta’ “reċiproċità” mal-pajjiżi terzi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, jeħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jipprevedu mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ sanzjonar mhux anqas effettivi u b'saħħithom għall-istabbilimenti finanzjarji tal-pajjiżi terzi.

4.4.3   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-mezzi possibbli għall-prevenzjoni tal-attivitajiet finanzjarji qarrieqa li jibdew jew jispiċċaw f'rifuġji fiskali u finanzjarji u li jinvolvu movimenti tal-kapital li għandu mnejn ikollhom effett fuq il-funzjonament tas-suq intern.

4.4.4   F'dan ir-rigward, il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Kummissjoni mhux qed tikkonċentra fuq l-aspetti li jirrigwardaw is-segwitu tal-ksur tal-leġislazzjoni finanzjarja meta dan il-ksur iseħħ f'pajjiżi terzi jew ikun ir-responsabbiltà diretta jew indiretta ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi stabbiliti fil-pajjiż ikkonċernat.

4.5   Ta' min jinnota l-aspetti tekniċi li ġejjin:

4.5.1

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li t-terminu “sanzjonijiet” għandu jingħata sens wiesa' li jkopri kemm il-miżuri amministrattivi ta’ tassazzjoni, kif ukoll il-miżuri ta’ stabbiliment mill-ġdid tal-legalità, ta’ konfiska u ta’ skwalifika tad-diriġenti, l-azzjonijiet ta’ rtirar ta’ privileġġi (bħall-irtirar ta’ liċenzja), is-sanzjonijiet finanzjarji, ħlasijiet perjodiċi ta’ penali u miżuri oħra simili.

4.5.2

Il-proċeduri kollha ta’ sanzjonar ser ikollhom jissejsu minn tal-anqas fuq il-prinċipji tal-legalità, il-kriminalità, l-istabbiliment tal-ħtija, in-nuqqas ta’ effett retroattiv, ir-reformatio in peius, il-preżunzjoni tal-innoċenza, il-proporzjonalità, l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-ne bis in idem, il-preskrizzjoni, il-limitu ta’ validità ta’ proċedura, is-sospensjoni prudenzjali u l-possibbiltà li jsir appell sabiex jinkiseb rimedju kollettiv.

4.5.3

Jeħtieġ ukoll li jittejbu l-viżibbiltà u l-komunikazzjoni tas-sanzjonijiet imposti fuq l-awturi tal-vjolazzjonijiet sabiex, apparti l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni fil-ġurnali uffiċjali interni, dawn is-sanzjonijiet, skont kemm ikunu gravi, ikunu jistgħu jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fl-istampa jew fil-mezzi ta’ tixrid tal-massa bħall-internet. L-ispejjeż tat-tixrid ta’ din l-informazzjoni għandhom ikunu responsabbli għalihom l-awturi tal-vjolazzjonijiet.

4.6   Il-komponenti tal-istrument

4.6.1   Il-KESE jqis li l-kjarifika dwar it-tip ta’ strument leġislattiv li l-Kummissjoni ser tipproponi li tadotta fi żmien opportun tista' tikkontribwixxi sabiex ikun jista' jitwettaq aktar faċilment reġim tas-sanzjonar dissważiv, ibbażat fuq il-prinċipji tal-effikaċja u l-proporzjonalità.

4.6.2   Għad li idealment jiġi adottat regolament, m'għandha titħalla l-ebda flessibbiltà fir-rigward tal-applikazzjoni tiegħu. F'dan l-istadju tal-iżvilupp tal-liġi tal-Unjoni Ewropea, regolament mhuwiex neċessarjament l-aktar strument adegwat.

4.6.3   Il-KESE jqis li l-għażla ta’ direttiva qafas tkun aktar adatta, minkejja li l-Kummissjoni hija tal-fehma li jeħtieġ li ssir armonizzazzjoni minima. F'dan il-każ, id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu ċari biżżejjed u għandhom ikunu akkumpanjati minn struzzjonijiet preċiżi u obbligatorji, sabiex jiġi ggarantit effett dirett, b'konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-direttiva għandha tinkludi miżuri dettaljati ħafna sabiex jiġi ggarantit li jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali.

4.6.4   Ikun xi jkun il-każ, fl-ipoteżi li jiġu imposti sanzjonijiet ekonomiċi, jeħtieġ li wieħed joqgħod dejjem attent li l-awtur ta’ vjolazzjoni ma jkun jista' qatt jikseb xi benefiċċji mir-reati tiegħu. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti metodi komuni għall-valutazzjoni tar-rimborż tal-qligħ miksub b'mod illegali bħala miżura li tiżdied mal-multa imposta.

4.6.5   Bħala miżuri komplementari għas-sanzjonijiet, jeħtieġ li jiġu previsti d-danni punittivi kif ukoll il-konfiska ta’ benefiċċji illegali. Bħalma l-KESE ssuġġerixxa ħafna drabi (5), l-ammonti korrispondenti għandhom, skont il-prijoritajiet ta’ kull Stat Membru, imorru ġo “fond ta’ għajnuna għall-azzjoni kollettiva” li l-missjoni tiegħu tkun li jagħmilha aktar faċli sabiex l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u organizzazzjonijiet oħrajn b'interess leġittimu jieħdu azzjoni kollettiva biex jitolbu kumpens jew rimedju. F'dan ir-rigward, il-KESE (6) jfakkar lill-Kummissjoni li hemm bżonn li tiġi adottata regolamentazzjoni sopranazzjonali sabiex l-azzjonijiet kollettivi jiġu armonizzati.

4.6.6   Meta jiġu imposti sanzjonijiet, l-aspetti l-oħra li għandhom jitqiesu wkoll huma l-qagħda personali tal-awtur ta’ vjolazzjoni, il-gravità tal-vjolazzjoni, is-saħħa finanzjarja tal-awtur ta’ vjolazzjoni, il-kollaborazzjoni tiegħu mal-awtoritajiet, il-perjodu tal-vjolazzjoni u l-effett tagħha fuq id-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-konsumaturi u l-utenti jew fuq kull attur ekonomiku ieħor.

4.7   It-Trattat ta’ Lisbona u l-konsumaturi

4.7.1   Il-Komunikazzjoni tikkunsidra bla dubju l-pożizzjoni tal-konsumaturi fis-servizzi finanzjarji. B'mod partikolari, tagħmel referenza għall-possibbiltà li fl-istabbilimenti kollha jiġu stabbiliti proċessi ta’ rimedju kollettiv. Il-KESE diġà esprima l-appoġġ tiegħu għal dawn l-azzjonijiet f‘għadd ta’ opinjonijiet. Madankollu, il-Komunikazzjoni tillimita ruħha għal approċċ passiv lejn il-qagħda tal-konsumaturi, ibbażat fuq il-protezzjoni kontra l-prattiki abbużivi jew qarrieqa u r-repressjoni tagħhom.

4.7.2   Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, fejn il-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva jirrappreżenta wieħed mill-pilastri fundamentali tal-ħajja demokratika tal-Unjoni, jeħtieġ li l-parteċipazzjoni tal-aktar assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi tiġi kkunsidrata.

4.7.3   Ir-reġim futur tas-sanzjonar li qed jiġi eżaminat għall-adozzjoni għandu jistabbilixxi miżuri maħsuba biex jiggarantixxu t-tisħiħ tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi f’dan il-qasam. Fost mekkaniżmi oħra, jeħtieġ li jiġi previst il-ħolqien ta’ mezzi permanenti ta’ komunikazzjoni bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-KESE u l-organizzazzjonijiet hawn fuq imsemmija. Jeħtieġ ukoll li jiġi ggarantit il-finanzjament pubbliku tagħhom sabiex jiġi żgurat minn kmieni l-aktar funzjonament effikaċi ta’ sistema li tkun tista' tavża dwar sitwazzjonijiet potenzjalment perikolużi għall-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u tiffaċilita t-tfassil ta’ regoli adattati għall-iżvilupp mgħaġġel tal-prodotti u l-prattiki tas-swieq, filwaqt li tikkunsidra l-impatt li s-sanzjonijiet li jiġu applikati lill-organizzazzjonijiet finanjarji jkollhom fuq il-klijenti.

4.7.4   Flimkien ma’ approċċ ta’ protezzjoni u repressjoni fir-rigward tal-ħsara kkawżata mill-ksur tar-regoli tas-settur, dawn il-miżuri jagħmluha possibbli li fir-rigward ta’ dawn il-vjolazzjonijiet jiġi adottat approċċ preventiv li jaf ikun ħafna aktar effikaċi.

4.7.5   Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li titwaqqaf Aġenzija Ewropea għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi tas-Servizzi Finanzjarji u jfakkar (7) li, għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk huwiex possibbli li, fil-qafas tal-leġislazzjoni Ewropea, tinħoloq entità simili għal dik li twaqqfet fl-Istati Uniti permezz tad-Dodd-Frank Act – il-Bureau of Consumer Financial Protection (aġenzija għall-protezzjoni finanzjarja tal-konsumaturi).

4.7.6   Bħala konsegwenza ta’ dan, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni għandha tuża ż-żmien biex tlesti l-proposta futura sabiex twettaq jew tirrevedi studji dwar l-aqwa prattika Ewropea fil-qasam tal-ħarsien tal-konsumatur ta’ servizzi finanzjarji, fuq il-bażi ta’ liema għandhom jitfasslu strumenti legali li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-utenti kollha ta’ servizzi finanzjarji. Huwa stipolat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jridu jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni għall-utenti ta’ servizzi finanzjarji.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 1-19 u ĠU C 175, 28.7.2009, p. 20-25.

(2)  ĠU C 324, 30.12.2006, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 14.6.2006, ĠU L 177, 30.6.2006, p.1.

(4)  Artikolu 12 tad-Direttiva 2007/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 5.9.2007, ĠU L 247, 21.9.2007, p.1.

(5)  Ara n-nota 1 f'qiegħ il-paġna.

(6)  Ara n-nota 2 f'qiegħ il-paġna.

(7)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 21.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/113


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Green Paper — Inqas proċeduri amministrattivi għaċ-ċittadini: Il-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi u r-rikonoxximent tal-effetti ta’ atti ta’ stat ċivili”

COM(2010) 747 finali

2011/C 248/19

Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar l-14 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper – Inqas proċeduri amministrattivi għaċ-ċittadini: Il-promozzjoni taċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi u r-rikonoxximent tal-effetti ta’ atti ta’ stat ċivili

COM(2010) 747 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'127 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper tal-Kummissjoni u jirrikonoxxi l-bżonn li tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea kollha peress li dan jiffaċilita l-ħajja taċ-ċittadini Ewropej u jgħinhom jeżerċitaw drittijiethom b'mod aktar effettiv billi jelimina l-ostakli eżistenti.

1.2   Il-KESE jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni li jippromovu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi, peress li jikkontribwixxu għall-iżvilupp taċ-ċittadinanza Ewropea billi jestendu d-drittijiet ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini.

1.3   Fir-rigward tad-dokumenti ta’ stat ċivili, il-KESE jikkunsidra li l-Kummissjoni għandha:

tistabbilixxi skema sopranazzjonali fakultattiva taċ-ċertifikat Ewropew tal-istat ċivili,

tibda l-ħidma neċessarja sabiex ir-regoli ta’ kunflitt tal-liġi jiġu armonizzati, u

sakemm jiġu implimentati l-miżuri preċedenti, jiġi stabbilit ir-rikonoxximent reċiproku billi jiġu identifikati l-kundizzjonijiet minimi li għandhom jintlaħqu mid-dokumenti ta’ stat ċivili u l-kunsens dwar il-presunzjoni tal-validità ġenerali tagħhom fi ħdan l-UE, ladarba jiġi vverifikat li l-awtorità kompetenti kkonċernata ħarġithom b'mod legali.

1.4   Għal dan il-għan, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet u l-korpi kompetenti l-oħra tal-UE sabiex mingħajr dewmien jagħtu spinta 'l quddiem lill-proposti tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, b'mod li, kemm jista' jkun, id-dispożizzjonijiet sopranazzjonali jiġu adottati matul il-leġislatura attwali.

1.5   Għaldaqstant, jidher li huwa possibbli li jkun hemm sejħa għall-użu ġenerali ta’ dokumenti amministrattivi b'format standard u multilingwi, li jistgħu jkunu bbażati fuq il-mudelli użati mill-Kummissjoni Internazzjonali tal-Istat Ċivili(magħrufa bħala CIEC) li, fost vantaġġi oħra, jeliminaw il-bżonn li d-dokument jiġi tradott fl-Istat ospitanti.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-proċeduri amministrattivi meħtieġa biex ikunu jistgħu jintużaw dokumenti pubbliċi barra l-Istat Membru li ħariġhom jistgħu jinvolvu spejjeż sostanzjali u ħela ta’ ħin għall-persuna kkonċernata, essenzjalment minħabba l-bżonn li d-dokumenti jiġu awtentikati jew tiġi pprovduta traduzzjoni ċċertifikata.

2.1.1   Waħda mir-raġunijiet ta’ dawn id-diffikultajiet tinsab fl-obbligu għaċ-ċittadini li jippreżentaw lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor dokumenti pubbliċi li jagħtu l-prova meħtieġa biex jibbenefikaw minn dritt jew biex ikunu konformi ma’ obbligu. Dawn id-dokumenti jistgħu jkunu f'forom differenti ħafna. Jistgħu jkunu dokumenti amministrattivi, atti notarili, dokumenti ta’ stat ċivili, kuntratti diversi jew sentenzi tal-qorti.

2.1.2   F'dan ir-rigward, il-metodu tradizzjonali ta’ awtentikazzjoni tad-dokumenti pubbliċi intiżi biex jiġu użati barra l-pajjiż jissejjaħ “legalizzazzjoni” u, skont il-proċedura ordinarja, dan jikkonsisti fil-legalizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat li joħroġ id-dokument u mbagħad mill-ambaxxata jew il-konsulat tal-Istat fejn ikun ser jintuża. Il-forma ssemplifikata ta’ din il-proċedura tissejjaħ “postilla”, li permezz tagħha l-Istat li joħroġ id-dokument joħroġ ukoll ċertifikat ta’ awtentiċità.

2.1.3   Fil-qafas tal-Programm ta’ Stokkolma (1), il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tkompli l-ħidma tagħha sabiex jiġi żgurat l-isfruttar sħiħ tad-dritt għall-moviment liberu. Għal dan il-għan, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma jipprevedi żewġ proposti leġislattivi li jirreferu:

għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti permezz tal-eliminazzjoni tal-legalizzazzjoni tad-dokumenti bejn l-Istati Membri u

għar-rikonoxximent tal-effetti ta’ ċerti dokumenti ta’ stat ċivili sabiex status legali mogħti fi Stat Membru jkun jista' jiġi rikonoxxut bl-istess konsegwenzi legali fi Stat Membru ieħor.

3.   Il-Green Paper tal-Kummissjoni

3.1   Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar il-kwistjonijiet li jkopru ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi u r-rikonoxximent tal-effetti ta’ atti ta’ stat ċivili.

3.2   Id-dokumenti pubbliċi

3.2.1   Il-Kummissjoni tixtieq tniedi riflessjoni dwar id-dokumenti pubbliċi kollha li jeħtieġu proċeduri amministrattivi biex jiġu użati barra l-Istat Membru fejn ikunu nħarġu. Dawn il-proċeduri jkopru l-prova tal-awtentiċità jew il-produzzjoni ta’ traduzzjoni ċċertifikata. Il-funzjoni komuni għal dawn id-dokumenti kollha hija li jistabbilixxu l-prova tal-atti ċċertifikati minn awtorità pubblika.

3.2.2   Attwalment, il-proċeduri amministrattivi bħal-legalizzazzjoni u l-apostille tad-dokumenti pubbliċi fl-Istati Membri tal-Unjoni huma kkaratterizzati minn qafas legali frammentat bejn diversi sorsi:

liġijiet nazzjonali differenti ħafna minn xulxin;

bosta konvenzjonijiet internazzjonali multilaterali jew bilaterali, rattifikati miinn numru varjat u limitat ta’ pajjiżi u li mhumiex adegwati sabiex joffru s-soluzzjonijiet neċessarji għall-moviment liberu taċ-ċittadini Ewropej;

liġi fframentata tal-Unjoni li tittratta biss ċerti aspetti limitati tal-kwistjonijiet li jitqajmu.

3.3   Soluzzjonijiet possibbli għall-iffaċilitar taċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi bejn l-Istati Membri:

3.3.1

It-tneħħija tal-proċeduri amministrattivi:

Huwa propost li jitneħħew il-legalizzazzjoni u l-postilla għad-dokumenti pubbliċi kollha, sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tagħhom.

3.3.2

Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali:

3.3.2.1

F'każ ta’ dubji serji dwar l-awtentiċità ta’ dokument jew meta dokument ma jeżistix fi Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkunu jistgħu jaqsmu l-informazzjoni neċessarja u jsibu s-soluzzjonijiet adegwati.

3.3.2.2

Il-portal e-Justice ikun jista' jinforma liċ-ċittadini bl-eżistenza tad-dokumenti ta’ stat ċivili u l-implikazzjonijiet legali tagħhom. Tista' tkun prevista wkoll il-possibilità għaċ-ċittadin li jitlob u jirċievi dokument ta’ stat ċivili onlajn permezz ta’ sistema sikura.

3.3.3

Jiġu limitati t-traduzzjonijiet għad-dokumenti pubbliċi:

L-introduzzjoni ta’ formoli standard fakultattivi, tal-anqas għad-dokument pubbliċi li jintużaw l-iktar, tista' ssir f'bosta setturi amministrattivi sabiex tiġi ssodisfata d-domanda ta’ traduzzjoni u jiġu evitati l-ispejjeż.

3.3.4

Iċ-ċertifikat Ewropew tal-istat ċivili:

Dan iċ-ċertifikat Ewropew jista' jeżisti flimkien mad-dokumenti ta’ stat ċivili tal-Istati Membri, sakemm ma jkunx obbligatorju iżda fakultattiv. Il-format u l-informazzjoni taċ-ċertifikat għandhom ikunu uniformi permezz ta’ struttura unika, iċ-ċertifikat Ewropew.

3.4   Ir-rikonoxximent reċiproku tal-effetti tad-dokumenti ta’ stat ċivili:

3.4.1

L-atti ta’ stat ċivili huma dokumenti stabbiliti minn awtorità sabiex jiġu ċċertifikati avvenimenti ta’ ħajjet kull ċittadin, bħat-twelid jew in-nisel.

3.4.2

Għandhom ikunu garantiti l-kontinwità u l-permanenza tas-sitwazzjoni tal-istat ċivili ta’ kull ċittadin Ewropew li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu. Is-sitwazzjoni legali ċċertifikata minn dokument tar-Reġistru Ċivili trid tkun tista' tipproduċi l-effetti ċivili marbuta ma’ din is-sitwazzjoni.

3.4.3

Għalhekk hemm bżonn li jkun hemm azzjoni mill-Unjoni bil-għan li toffri ċertezza legali ikbar liċ-ċittadini Ewropej fil-qasam tal-istat ċivili u li telimina l-ostakli li jiffaċċjaw meta jitolbu r-rikonoxximent fi Stat Membru ta’ sitwazzjoni legali li oriġinat fi Stat Membri ieħor.

3.4.4

L-intervent tal-Unjoni li sar fil-liġi sekondarja (2) s'issa baqa' mmirat ħafna u sal-lum m'hemm l-ebda regola dwar ir-rikonoxximent fi Stat Membru tas-sitwazzjonijiet marbuta mal-istat ċivili u li oriġinaw fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea m'għandhiex il-kompetenzi biex tintervjeni fil-liġi sostantiva tal-familja tal-Istati Membri hekk kif it-TFUE ma joffri l-ebda bażi legali għall-applikazzjoni ta’ soluzzjoni bħal din.

3.4.5

Il-Kummissjoni tipproponi tliet għażliet differenti biex issolvi dawn il-problemi:

3.4.5.1

Tassisti lill-awtoritajiet nazzjonali biex jinstabu soluzzjonijiet prattiċi:

Ir-rwol prinċipali tal-Unjoni f'dan il-qasam jikkonsisti fl-għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkooperaw b'mod aktar effikaċi.

3.4.5.2

Rikonoxximent awtomatiku:

Dan ir-rikonoxximent isir mingħajr armonizzazzjoni tar-regoli eżistenti u ma jaffettwax is-sistemi legali tal-Istati Membri. Din is-soluzzjoni tfisser li kull Stat Membru, waqt li jirrispetta l-fiduċja reċiproka, jaċċetta u jirrikonoxxi l-effetti ta’ sitwazzjoni legali li oriġinat fi Stat Membru ieħor.

3.4.5.3

Rikonoxximent ibbażat fuq l-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġi:

Jinħoloq korp ta’ regoli komuni żviluppati fil-livell tal-Unjoni li l-funzjoni tiegħu tkun li jipprevedi d-dritt applikabbli għal sitwazzjoni transkonfinali meta jkun ikkonċernat avveniment ta’ stat ċivili.

4.   Osservazzjonijiet ġenerali

4.1   Il-Green Paper imħejjija mill-Kummissjoni Ewropea hija ġġustifikata mil-lat leġislattiv minħabba l-bżonn li jitjieb u jiġi approfondit il-mod kif jaħdem l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u li jiġu stabbiliti rabtiet aktar stretti mal-eżerċitar tad-drittijiet rikonoxxuti mill-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni u tall-libertajiet ekonomiċi fundamentali.

4.2   B'rabta ma’ dan, il-Kumitat jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li, b'konformità mal-prinċipji u l-valuri kostituzzjonali u mal-objettivi tal-Unjoni Ewropea kif minquxa fit-TUE u t-TFUE wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, tagħti prijorità lill-approċċ legali li jsaħħaħ ir-rwol taċ-ċittadini fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea.

4.3   Konsegwentement, huwa l-kompitu tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni li jippermettu liċ-ċittadini tal-Istati Membri, u b'mod ġenerali lill-indivdwi kollha, jeżerċitaw sa fejn hu possibbli d-drittijiet u l-libertajiet li jibbenefikaw minnhom, fl-ambitu tat-trattati u l-qafas legali attwali.

4.3.1   Dan jippromovi t-trattament indaqs, b'konformità mal-prinċipju minqux fl-Artikolu 9 tat-TUE, u jikkontribwixxi għat-tneħħija tal-ostakli għall-eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet, ostakli li mhumiex ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u li ta’ spiss jipproteġu biss l-interess korporattiv (li jfisser li tista' ssir interferenza mill-burokratiċi, min-nutara, minn dawk responsabbli għar-reġistri, eċċ.) jew jaħbu biżgħat irrazzjonali fir-rigward tas-sovranità tal-Istati Membri tal-UE.

4.4   Minkejja kollox, l-adozzjoni futura ta’ miżuri biex jitneħħew l-ostakli minħabba proċeduri amministrattivi jew lingwistiċi teħtieġ kunsiderazzjoni bil-qies tal-ambitu materjali tagħhom, peress li minkejja r-riżultati mixtieqa għall-individwu f'termini ta’ tneħħija ta’ limiti u ostakli amministrattivi kif ukoll spejjeż finanzjarji u tnaqqis tal-limiti ta’ żmien għall-użu tad-dokumenti pubbliċi miċ-ċittadin barra l-Istat li ħariġhom, dawn il-miżuri jistgħu joħolqu kunflitti legali serji minħabba l-effetti li jistgħu jirriżultaw fl-oqsma sensittivi ħafna bħal dak tal-istat ċivili.

4.5   Fil-kuntest ta’ din il-valutazzjoni, jeħtieġ li b'mod separat tiġi analizzata l-vijabbiltà ta’ dawn il-miżuri, billi fuq naħa jiġu studjati l-aspetti relatati mal-kwistjonijiet purament proċedurali u lingwistiċi u, fuq in-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet aktar fundamentali li jirrigwardaw is-sitwazzjoni legali tal-individwi.

4.6   L-implimentazzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza, kif ukoll tal-libertà ta’ stabbiliment, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan is-suq intern, fost oħrajn, tesiġi li jiġu adottati mekkaniżmi u atti leġislattivi sopranazzjonali li jeliminaw jew jillimitaw għal sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna l-proċeduri amministrattivi għall-awtentikazzjoni tad-dokumenti pubbliċi

4.6.1   L-interferenzi tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, apparti dak l-Istat li oriġinarjament bagħat id-dokument pubbliku, ta’ spiss jaħbu interessi li jmorru kontra l-leġislazzjoni tal-UE u jagħtu lok għal trattament diskriminatorju u piżijiet mhux ġustifikati għall-individwi privati.

4.6.2   Ovvjament, l-ordni pubbliku u s-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri jistgħu jiġu garantiti permezz ta’ mezzi inqas għaljin għaċ-ċittadini u li, fi kwalunkwe każ, ma jolqtux id-drittijiet rikonoxxuti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni. F'każ ta’ dubji serji dwar l-awtentiċità ta’ dokument jew meta dokument ma jeżistix fi Stat Membru ieħor, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jaqsmu l-informazzjoni u jħabirku biex isibu soluzzjoni.

4.6.2.1   Madankollu, il-Kumitat jissottolinja l-fehma tiegħu li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom l-obbligu li jgħinu liċ-ċittadini jassiguraw, bil-mezzi possibbli kollha, ir-regolarizzazzjoni transnazzjonali tad-dokumenti pubbliċi kollha li jiddikjaraw status jew is-sitwazzjonijiet b'tali mod li jikkostitwixxu kundizzjoni jew rekwiżit għall-eżerċitar tad-drittijiet u l-libertajiet rikonoxxuti mil-UE.

4.6.3   Dan joħroġ fid-dieher minn diversi esperjenzi fi ħdan l-UE, partikularment:

il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-uffiċjali tar-Reġistru Ċivili implimentata mill-ħdax-il Stat Membru li jagħmlu parti mill-Konvenzjoni Nru 3 tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Istat Ċivili (3) (CIEC). Ir-riżultati pożittivi ta’ din il-kooperazzjoni jiġġustifikaw il-fatt li l-Kumitat jistieden lill-Istati Membri tal-UE jissieħbu f'din il-Konvenzjoni fid-dawl tal-fatt li hija l-istadju ta’ qabel l-adozzjoni mistennija tar-regoli sopranazzjonali f'dan il-qasam;

l-iskambju ta’ informazzjoni relatat mal-kwalifiki professjonali permezz tas-sistema elettronika ta’ informazzjoni tas-suq intern;

l-awtomazzjoni u t-tneħħija progressivi tal-“exequatur” fil-kuntest tal-użu ġeneralizzat tal-proċeduri elettroniċi, l-e-Justice, eċċ.

4.6.3.1   Fid-dawl ta’ dawn l-esperjenzi, jagħmel sens li l-Kummissjoni Ewropea torbot il-proposti leġislattivi mressqa fil-Green Paper dwar iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi ma’ inizjattivi oħra bħall-“Ewropa Diġitali” u “e-2020”. Il-KESE jqis li din tkun okkażjoni tajba biex jiġi promoss il-ħolqien ta’ netwerk ta’ Reġistri Ċivili, li jiffaċilita l-applikazzjoni tal-prinċipju li d-dokumenti jiġu ppreżentati darba biss, u b'hekk jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi kollha.

4.6.3.2   Il-KESE huwa tal-fehma li wieħed jista' jeżamina wkoll il-ħolqien fuq medda qasira ta’ żmien ta’ bażi elettronika li tiġbor flimkien il-mudelli ta’ dokumenti pubbliċi l-iktar li jinħarġu mill-Istati Membri. Din il-bażi tkun immexxija mill-Kummissjoni Ewropea b'mod li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku u l-ekwivalenza awtomatika ta’ dawn id-dokumenti mad-dokumenti korrispondenti bil-lingwi uffiċjali l-oħra, fit-territorju kollu tal-UE.

4.6.4   Bl-istess mod, l-esperjenzi f'oqsma oħra ta’ azzjoni tal-UE juru li huwa possibbli li jintużaw dokumenti mħejjija b'formats, tekniki jew materjali identiċi jew simili, bħalma huwa l-każ tal-Passaport Ewropew (4) u dokumenti dwar il-miżuri ta’ sostenn ipprovduti fl-Artikolu 20(2)(c) tat-TFUE; il-mudell tal-liċenzja tas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur u tal-mopeds, eċċ., fil-forom differenti tiegħu.

4.6.5   Għalhekk, huwa possibbli li jkun hemm sejħa għall-implimentazzjoni ġenerali ta’ dokumenti amministrattivi b'format standard u multilingwi, li jistgħu jkunu bbażati fuq il-mudelli użati mis-CIEC li, fost vantaġġi oħra, jeliminaw il-bżonn li d-dokument jiġi tradott fl-Istat ospitanti.

4.7   Ċertament, il-kooperazzjoni amministrattiva aktar stretta u l-ħruġ ta’ dokumenti li l-validità tagħhom tkun rikonoxxuta fl-Istati Membri kollha tal-UE huma għanijiet li jistgħu jitwettqu f'ambjent ta’ fiduċja reċiproka, jekk mhux ta’ rikonoxximent reċiproku, u huma għalkollox mixtieqa sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċitar tad-drittijiet marbuta maċ-ċittadanza msemmija hawn fuq u tad-drittijiet ekonomiċi fundamentali tal-UE. L-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet Ewropej totalment huwa fil-kompetenza tal-UE u li huwa meħtieġ biex jissaħħaħ il-proċess ta’ integrazzjoni.

4.8   Madankollu, il-kwistjoni relatata mad-dokumenti li jistabbilixxu l-istat ċivili tal-persuni tippreżenta ċerti aspetti aktar kumplessi li jitolbu li jiġu eżaminati diversi soluzzjonijiet alternattivi fil-qasam tal-politika leġislattiva.

4.8.1   Dan ifisser li għandha tinstab soluzzjoni komuni, bħal pereżempju l-adozzjoni ta’ ċertifikat Ewropew tal-istat ċivili, b'risposta għall-problema attwali tad-dokumenti tal-istat ċivili maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li ma jirrikonoxxux sitwazzjonijiet personali bl-istess mod u li l-effetti tagħhom ma jiġux rikonoxxuti bis-sħiħ fl-Istati kkonċernati.

4.8.2   It-tradizzjonijiet legali, kulturali u reliġjużi differenti tal-Istati Membri joħolqu dimensjoni differenti għall-istatus legali tal-persuni. Dan iwassal għal disparitajiet, nibdew mill-eżistenza ta’ rekwiżiti ta’ kapaċità li jintalbu f'xi Stati bħala prerekwiżit biex wieħed ikun jista' jiżżewweġ, ir-rikonoxximent ta’ għaqdiet bejn persuni tal-istess sess, u nispiċċaw bid-determinazzjoni tal-ordni tal-kunjomijiet jew l-attribuzzjoni tal-ġeneru wara bidla fis-sess.

4.9   Meta jitqies il-fatt li attwalment huma l-Istati Membri li għandhom il-poteri f'dan il-qasam, li t-Trattat ta’ Lisbona ma joffri l-ebda bażi speċifika għall-adozzjoni ta’ miżuri sopranazzjonali ta’ armonizzazzjoni leġislattiva f'dan il-qasam u li, kuntrarjament għad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 77(3) tat-TFUE rigward il-viża u permessi oħra ta’ residenza għal żmien qasir, u lanqas ma jipprevedi klawżola li tikkumpensa għan-nuqqas ta’ kompetenzi ċari, hemm bżonn li l-prinċipju tas-sussidjarjetà jkun rispettat b'mod rigoruż.

4.10   Għalhekk, għandha titqies l-applikazzjoni eventwali tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku permezz ta’ ċerti dispożizzjonijiet leġislattivi sopranazzjonali bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Artikolu 81(1) tat-TFUE, fid-dawl tal-proċedura leġislattiva speċjali prevista fl-Artikolu 81(3) tat-TFUE, u l-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri għandhom jiġu obbligati jipparteċipaw.

4.10.1   Għalhekk, mhix idea tajba li ssir analiżi ddettaljata jew valutazzjoni selettiva tal-għażliet legali li għandhom jiġu applikati mill-Unjoni skont is-sitwazzjoni ta’ stat ċivili li għandha tiġi rikonoxxuta, minħabba li wisq probabbli jkun iktar faċli li din il-proċedura tiġi applikata għan-nisel, l-adozzjoni jew l-ordni tal-kunjomijiet ta’ persuna milli għar-rikonoxximent ta’ żwieġ.

4.10.2   Fil-qosor, irrispettivament mill-għażla leġislattiva promossa mill-Unjoni Ewropea u ż-żmien neċessarju biex din tiġi adottata, jeħtieġ li jingħata sostenn immedjat lill-persuni li jitolbu r-rikonoxximent ta’ sitwazzjoni legali jew tal-effetti ta’ dokument ta’ stat ċivili, billi jitħejjew kriterji jew linji gwida Ewropej vinkolanti li jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jsibu soluzzjonijiet koerenti, flessibbli u li ma jiddiskrimnawx fuq il-bażi tan-nazzjonalità.

4.11   Minħabba l-bżonn urġenti li tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni tad-dokumenti pubbliċi, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jappoġġjaw l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi u jistabbilixxu sistema sopranazzjonali fakultattiva taċ-ċertifikat Ewropew tal-istat ċivili, waqt li tibda l-ħidma neċessarja għall-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-kunflitt fil-liġi. Fl-istess waqt għandhom jistabbilixxu rikonoxximent reċiproku billi jiġu identifikati l-kundizzjonijiet minimi li għandhom jissodisfaw id-dokumenti tal-istat ċivili u l-kunsens dwar il-presunzjoni tal-validità ġenerali tagħhom fi ħdan l-UE, ladarba jiġi vverifikat li l-awtorità kompetenti kkonċernata ħarġithom b'mod legali.

4.12   Bil-għan li jiġi assigurat li l-miżuri futuri adottati mill-UE fir-rigward taċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-dokumenti pubbliċi jkunu effettivi kemm jista' jkun, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltà li, fil-proposti leġislattivi futuri tagħha, testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhomgħaċ-ċittadini miż-Żona Ekonomika Ewropea u minn pajjiżi terzi li magħhom l-UE ffirmat ftehimiet ta’ assoċjazzjoni li huma attwalment fis-seħħ (skont sistema ta’ reċiproċità maċ-ċittadini tal-Istati Membri) u ċ-ċittadini minn pajjiżi terzi residenti għal żmien twil li huma stabbiliti jew għandhom ir-residenza tagħhom b'mod legali fi Stat Membru tal-UE.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2004) 401 finali.

(2)  Regolament (KE) Nru 2201/2003, Artikolu 21(2).

(3)  B'konformità ma’ din il-Konvenzjoni, kull uffiċjal tar-Reġistru Ċivili, huwa u jħejji ċertifikat ta’ żwieġ, għandu javża lill-uffiċjal tar-Reġistru Ċivili tal-post ta’ twelid ta’ kull wieħed mill-konjuġi.

(4)  ĠU C 241, 19.9.1981 u C 179, 26.7.1982.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/118


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 89/666/KEE, 2005/56/KE u 2009/101/KE fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji”

COM(2011) 79 finali – 2011/0038 (COD)

2011/C 248/20

Relatur: is-Sur Miklós PÁSZTOR

Nhar it-8 u s-16 ta’ Marzu 2011, rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 50(2)(g) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 89/666/KEE, 2005/56/KE u 2009/101/KE fir-rigward tal-interkonnessjoni tar-reġistri ċentrali, kummerċjali u tal-kumpaniji

COM(2011) 79 finali – 2011/0038 (COD)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'144 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tad-Direttiva li, fl-opinjoni tiegħu, hija pass importanti fl-iżvilupp tas-suq uniku. Fil-fatt, tagħmilha possibbli li jinkisbu l-objettivi aktar ġenerali tal-intrapriżi kummerċjali, tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u taċ-ċittadini Ewropej, kif ġie enfasizzat mill-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva dwar l-SMEs (“Small Business Act”). Barra minn hekk, il-proposta, fil-forma attwali tagħha, li tipprevedi l-istandardizzazzjoni tal-aktar dettalji u dokumenti importanti u tissostitwixxi l-kooperazzjoni volontarja b'obbligu legali li japplika madwar l-Unjoni Ewropea kollha, ma tissodisfax uħud mit-talbiet fundamentali espressi.

1.2   Fl-istess waqt, hemm wisq inċertezzi fil-proposta fir-rigward tal-implimentazzjoni, u tħalli f'idejn il-Kummissjoni biex issolvi l-bosta kwistjonijiet permezz ta’ regolamentazzjoni futura. Il-KESE jittama li jiġi involut ukoll fl-istadji leġislattivi li jmiss u li jibqa' imsieħeb tal-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ din ir-regolamentazzjoni futura.

1.3   Il-KESE kien jippreferi kieku l-proposta tikkonsolida t-tliet direttivi emendati u tistabilixxi b'mod verament awtonomu r-rekwiżiti tal-Unjoni f'dan il-qasam (1). Minħabba l-emenda u l-atti delegati li ser jiġu adottati fi stadju ulterjuri, l-implimentazzjoni mhux ser tibqa' daqshekk ċara. Għal din ir-raġuni, il-KESE jtenni l-pożizzjonijiet espressi b'rabta mal-Green Paper u jixtieq li dawn jiġu inklużi fid-dispożizzjonijiet leġislattivi li jmiss.

1.4   Il-Kumitat iqis li l-fatt li r-regolamentazzjoni ma tindirizzax il-kwistjoni tat-trasferiment tas-sede, fatt li, kif tindika l-Green Paper, qed isir dejjem aktar determinanti f'suq dejjem aktar unifikat, huwa nuqqas serju. Fil-fehma tal-KESE, l-fatt li l-leġislatur ma jużax il-prinċipju tat-trasparenza tat-titoli bħala mudell, minkejja li rrefera għalih, huwa opportunità mitlufa.

1.5   Il-KESE jappoġġja l-emendi proposti fir-rigward tad-Direttivi 89/666/KEE u 2005/56/KE.

1.6   Fir-rigward tal-emenda tad-Direttiva 2009/101/KE, il-Kumitat iqis li l-aspetti li ġejjin huma importanti:

id-data għandha tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli, fid-dawl tal-limitazzjonijiet tekniċi u legali;

kif diġà rrakkomanda l-KESE, it-talbiet għall-informazzjoni bażika għandhom ikunu bla ħlas permezz ta’ sistema Ewropea unifikata;

il-kwistjoni tal-ispejjeż tal-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistema għandha tiġi ċċarata, li mhuwiex il-każ bħalissa. F'dan ir-rigward, il-Kumitat jiddispjaċih li fil-proposta hemm nuqqas ta’ valutazzjonijiet tal-impatt. Madankollu, jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni għandha tipprevedi fondi biex tkopri dawn l-ispejjeż;

L-użu tas-sistema għandu jippermetti aċċess bl-aktar mod dirett possibbli għall-informazzjoni u jnaqqas kemm jista' jkun il-pubblikazzjonijiet stampati tal-informazzjoni.

1.7   Il-KESE jaċċetta l-1 ta’ Jannar 2014 bħala l-limitu ta’ żmien sa meta l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw l-atti legali meħtieġa. Madankollu, jemmen li l-UE għandha bżonn tistabbilixxi limitu ta’ żmien intern għall-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-atti delegati.

2.   Kontenut tal-Proposta għal Direttiva

2.1   L-għan tad-direttiva huwa li ttejjeb it-trasparenza tal-ambjent legali u fiskali għall-intrapriżi li qed japprofittaw dejjem aktar mill-opportunitajiet li joffri s-suq uniku u, b'hekk, issaħħaħ il-fiduċja fis-suq uniku bil-għan li jiġi promoss l-aħjar użu tal-vantaġġi kompetittivi tar-relazzjonijiet bejn l-imsieħba kummerċjali.

2.2   Fuq il-bażi tad-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprovdu lill-imsieħba u lill-partijiet terzi aċċess faċli, madwar l-Unjoni Ewropea kollha, għad-dokumenti u d-dettalji kollha dwar il-kumpaniji u r-relazzjonijiet ta’ bejniethom. Fil-fatt, sal-lum il-ġurnata ma kien hemm l-ebda obbligu jew possibbiltà reali f'dan ir-rigward. Il-kwistjoni tat-trasparenza hija partikolarment serja u urġenti fil-każ tal-fużjonijiet u l-qsim ta’ kumpaniji li jinsabu fuq naħat differenti ta’ fruntiera jew fil-każ ta’ fergħat lokali ta’ kumpanija li hija soġġetta għal-liġi ta’ Stat Membru ieħor.

2.3   Is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni hija li jiġu emendati d-Direttivi preċedenti:

id-Direttiva 89/666/KEE dwar il-ħtiġiet tal-iżvelar rigward il-fergħat miftuħa fi Stat Membru (il-ħdax-il Direttiva);

id-Direttiva 2005/56/KE dwar mergers transkonfinali ta’ kumpaniji ta’ responsabbiltà limitata;

id-Direttiva 2009/101/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn (direttiva ġdida dwar l-iżvelar kummerċjali, li tissostitwixxi l-ewwel direttiva).

Dawn id-direttivi ma kienux qed jissodisfaw bis-sħiħ il-ħtieġa dejjem akbar għall-informazzjoni.

2.4   Il-bidliet li saru mid-direttiva l-ġdida jestendu, jispeċifikaw u jiżviluppaw il-ħtiġiet u l-proċeduri eżistenti u jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li tapplika speċifikazzjonijiet u estensjonijiet oħra hi u timplimenta d-direttiva. L-għan ewlieni ta’ dan l-approċċ huwa li l-kumpaniji, il-fergħat u r-raggruppamenti kollha ta’ operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar u malajr kemm jista' jkun u li kwalunkwe bidla tiġi rreġistrata u tkun aċċessibbli immedjatament. L-aqwa strument għal dan il-għan huwa l-ħżin u l-pubblikazzjoni b'mod elettroniku tad-dokumenti u d-dettalji, u l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu d-diġitalizzazzjoni u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni permezz ta’ pjattaforma Ewropea unika ppjanata.

2.5   Il-biċċa l-kbira tal-emendi proposti mill-Kummissjoni Ewropea jikkonċernaw id-Direttiva 2009/101/KE:

il-limitu massimu ta’ żmien għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni huwa ta’ 15-il ġurnata;

kull kumpanija għandu jkollha identifikatur uniku li jippermetti li tiġi identifikata mingħajr ambigwità fiż-Żona Ekonomika Ewropea;

il-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri għandhom ikunu kompatibbli mal-aċċessibbiltà permezz ta’ pjattaforma Ewropea elettronika u unika;

l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-kredibbiltà tad-dokumenti u d-dettalji;

l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni m'għandhomx ikunu aktar mill-ispejjeż amministrattivi neċessarji;

għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea, b'konformità mas-setgħat delegati, tista' tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet tekniċi għall-ġestjoni, is-sigurtà, il-ħolqien tal-identifikatur uniku, l-użu tal-lingwi, il-metodi u l-istandards tekniċi għall-pubblikazzjoni u l-possibbiltajiet ta’ sanzjonijiet f'każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet.

2.6   Fir-rigward tad-Direttivi tal-1989 u tal-2005, it-tibdil jikkonċerna l-identifikazzjoni unika tal-fergħat jew tal-kumpaniji b'responsabbiltà limitata li kienu soġġetti għal fużjoni transkonfinali u l-ħtieġa ta’ kompatibbiltà elettronika tal-attivitajiet l-oħra ta’ reġistrazzjoni.

2.7   Fir-rigward tal-Istati Membri, id-direttiva tistabbilixxi l-1 ta’ Jannar 2014 bħala l-limitu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħha; id-direttiva tidħol fis-seħħ l-għoxrin ġurnata wara li tkun ġiet ippubblikata.

3.   Il-kuntest legali tad-Direttiva

3.1   It-trasparenza tar-reġistri kummerċjali mhijiex biss objettiv importanti fih innifsu iżda hija wkoll prerekwiżit għall-promozzjoni tal-armonizzazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji. L-interoperabbiltà tar-reġistri nazzjonali hija kwistjoni essenzjalment relatata mal-informazzjoni u l-ekonomija, iżda l-proposta għandha tiġi ppubblikata f'forma legali, peress li r-rekwiżiti legali ma jistgħux jitwarrbu. Apparti l-bżonn li tinstab forma adatta mil-lat legali, jeħtieġ li jiġi analizzat bir-reqqa l-kuntest legali tal-armonizzazzjoni.

3.1.1   F'dan ir-rigward, l-ewwel mistoqsija tista' tkun kif jistgħu jiġu rrikonċiljati l-interessi tal-pajjizi li tradizzjonalment jesportaw u jimportaw il-kapital. It-tabella t'hawn taħt tagħti stampa ġenerali tal-approċċi ewlenin tagħhom. Fuq il-bażi ta’ dawn l-approċċi, il-fatt li jitqiesu l-interessi fundamentali tal-Istati Membri fil-perjodu fit-tul jillimita intrinsikament is-suċċess tal-armonizzazzjoni fil-fond, anke jekk, fil-kuntest tad-dibattiti, din il-kwistjoni tista' tiġi kkunsidrata bħala inqas importanti minn kwistjonijiet tekniċi bħall-interoperabbiltà tar-reġistri kummerċjali.

 

Stat Membru li jesporta l-kapital

Stat Membru li jimporta l-kapital

1.

L-għoti ta’ leġittimità lill-intrapriżi (personalità ġuridika)

Prinċipju tal-finzjoni (universalità)

Prinċipju tar-realtà (approċċ speċifiku)

2.

Identifikabbiltà tal-persuna ġuridika

Post tar-reġistrazzjoni

Sede amministrattiv effettiv

3.

Ġurisdizzjoni

Prinċipju tal-individwalità

Prinċipju tat-territorjalità

4.

Prinċipju tal-liġi ekonomika

Sigurtà legali

Prevenzjoni ta’ abbuż tal-liġi

5.

Prinċipju tal-liġi tal-Unjoni (politika tas-suq intern)

Projbizzjoni li jiġu limitati l-libertajiet fundamentali

Projbizzjoni tat-trattament diskriminatorju

3.2   Fil-pajjiżi li jsegwu l-prinċipju tal-finzjoni hemm ħafna inqas ostakli għar-reġistrazzjoni nazzjonali tal-intrapriżi (fejn ir-rikonoxximent tal-intrapriżi fil-livell nazzjonali fil-prinċipju huwa awtomatiku jekk dawn jissodisfaw xi kundizzjonijiet formali) milli fil-pajjżi l-oħra. F'dawn il-pajjiżi tingħata importanza wkoll lill-protezzjoni tal-komunitajiet lokali li jagħmlu parti minnhom l-intrapriżi għax l-intrapriża li qed tapplika għar-reġistrazzjoni għandha responsabbiltà ikbar mill-Istat. Fi kliem ieħor, fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-intrapriżi, il-liġi privata tiġi qabel il-liġi pubblika.

3.3   F'ċerti pajjiżi mhuwiex possibbli li jsir tibdil fl-istatut tal-kumpaniji, filwaqt li f'oħrajn, jekk jinbidel is-sede amministrattiv, l-identità li tista' tiġi rikonoxxuta mil-liġi tal-kumpaniji tista' tinbidel, u konsegwentement jinbidel ir-reġistru. Dan ħoloq għadd ta’ problemi fis-suq intern (ara pereżempju l-każ Überseering) fosthom l-identità doppja, u l-possibbiltà problematika ta’ nuqqas ta’ identità doppja (kif kien il-każ ta’ raggruppament Ġermaniż-Irlandiż).

3.4   Xi pajjiżi jaraw id-dinja b'mod globali u jikkunsidraw l-attivitajiet tal-kumpaniji b'mod ġenerali, indipendentement mill-fatt li jitwettqu fit-territorju tagħhom jew barra l-pajjiż (prinċipju tal-individwalità). F'pajjiżi oħra, il-ġurisdizzjoni tiġi determinata fuq bażi tat-territorju, li huwa anqas importanti u għaldaqstant teżisti differenza fundamentali bejn it-territorju nazzjonali u dak barra l-pajjiż. Għalhekk tabilħaqq hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni. Fl-ewwel każ (il-prinċipju tal-individwalità) l-interoperabbiltà tar-reġistri kummerċjali taqa' taħt il-liġi privata u l-liġi tal-kumpaniji tindirizza l-interessi proprji tal-kumpaniji. Fit-tieni każ, jinħtieġu miżuri pubbliċi. Għaldaqstant, jidher li fl-ewwel każ il-proġett BRITE, pereżempju, huwa soluzzjoni aqwa mill-armonizzazzjoni pożittiva għall-pajjiżi li jesportaw il-kapital.

3.5   Fir-rigward tar-reġistrazzjoni, il-pajjiżi li jesportaw il-kapital isibuha diffiċli biex ibidlu l-identifikatur miksub taħt il-liġi tal-kumpaniji għax għalihom is-sigurtà legali tieħu preċedenza fuq kollox. Madankollu, pajjiżi oħra jemmnu li l-protezzjoni tal-interessi tal-komunitajiet lokali li jagħmlu parti minnhom il-kumpaniji hija l-aktar aspett importanti u, fejn ikun hemm bżonn, ma jaħsbuhiex darbtejn biex jixħtu dubju fuq l-istatut legali ta’ kumpanija. Għaldaqstant, l-Artikolu 11 tal-ewwel Direttiva (Artikolu 12 fid-direttiva l-ġdida), li jispeċifika b'mod dettaljat ir-raġunijiet għall-istralċ ta’ kumpanija, jista' jiġi implimentat b'mod differenti ħafna skont il-pajjiż, b'konformità mal-mod kif dak il-pajjiż jinterpreta l-ħolqien ta’ kumpanija (ara pereżempju l-każijiet Ubbink u Marleasing).

3.6   Il-pajjiżi li fil-prinċipju ma jagħmlux distinzjoni bejn l-attivitajiet interni u esterni b'mod ġenerali japprofittaw aktar mill-possibbiltajiet li joffri s-suq intern u l-kumpaniji li huma rreġistrati f'dawn il-pajjiżi faċilment jistgħu jikkunsidraw li l-miżuri meħuda mill-Istat ospitanti huma ta’ ħsara għalihom peress li jillimitaw il-libertajiet tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-prattika tal-Istati li jirrikonoxxu l-prinċipju tar-realtà, jiġifieri t-territorjalità, l-enfasi titqiegħed aktar fuq il-kwistjoni tat-trattament diskriminatorju tal-kumpaniji barranin. Huwa ċar li qabel kollox huma l-pajjiżi li jesportaw il-kapital li jibbenefikaw mill-istandardizzazzjoni tar-reġistri kummerċjali, peress li r-regolamentazzjoni f'dan ir-rigward hija kwistjoni aktar importanti għall-Istati li jimportaw il-kapital.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tad-Direttiva li fl-opinjoni tiegħu hija pass importanti fl-iżvilupp tas-suq uniku. Fil-fatt, it-twettiq tal-objettivi aktar ġenerali tal-intrapriżi kummerċjali, tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u taċ-ċittadini Ewropej isir possibbli, kif stqarr preċedentement il-Kumitat fir-rigward tal-Green Paper: “1.2 L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali għandha tirrifletti l-għanijiet taż-żewġ dokumenti strateġiċi: l-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Small Business Act. L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali għandha żżid it-trasparenza u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn in-negozji, kif ukoll tnaqqas l-ostakoli għall-attivitajiet kummerċjali transkonfinali u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi b'mod partikolari għall-SMEs. Dawn l-elementi huma kollha kruċjali għat-tisħiħ tas-suq uniku u għall-promozzjoni ta’ progress ekonomiku u soċjali bilanċjat u sostenibbli hekk kif enfasizzat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir – Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa (Small Business Act)’ (COM(2008) 394 finali).” (2).

4.2   Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota li l-proposta, fil-forma attwali tagħha, tissodisfa biss uħud mit-talbiet fundamentali li ġew espressi billi tipprovdi għall-istandardizzazzjoni tal-aktar dettalji u dokumenti importanti u tissostitwixxi l-kooperazzjoni volontarja b'obbligu legali li japplika madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Bl-istess mod, il-Kumitat jikkunsidra li l-approċċ tar-regolamentazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż amministrattivi u l-protezzjoni tal-informazzjoni huwa aċċettabbli, però jqis li għad hemm bosta punti li jridu jiġu ċċarati.

4.3   Madankollu, ta’ min jinnota li għad hemm għadd ta’ inċertezzi fir-rigward tal-implimentazzjoni. B'mod ġenerali, il-proposta tħalli d-definizzjoni tad-dispożizzjonijiet għal regolamentazzjoni futura. Iżda jkun utli li tingħata informazzjoni minn issa f'dan ir-rigward. B'hekk, il-proposta li qed tiġi analizzata setgħet tinkludi pereżempju aktar informazzjoni dwar standards u kontenut partikolari fid-dawl tal-fatt li kien hemm referenza għal xi wħud minnhom fil-Green Paper u li kienet mistennija risposta. Għaldaqstant kellu jkun possibbli li jsiru kummenti dwar l-aspetti prattiċi tagħhom. Għal din ir-raġuni, il-KESE jtenni l-pożizzjonijiet espressi b'rabta mal-Green Paper u jixtieq li dawn jiġu inklużi fid-dispożizzjonijiet leġislattivi li jmiss.

4.4   Il-KESE jħoss li b'dan il-mod intilfet l-opportunità biex l-Unjoni Ewropea tagħmel pass ikbar lejn armonizzazzjoni aktar mill-qrib tal-liġi tal-kumpaniji, kif ġie deskritt f'punt 3. Il-Kumitat huwa konxju mill-fatt li d-differenzi legali u istituzzjonali konsiderevoli jagħmluha diffiċli li jsir progress fir-rigward ta’ kwistjonijiet aktar ġenerali u li l-armonizzazzjoni tal-liġi tal-kumpaniji tista' tieħu s-snin. Madankollu, ir-reġistrazzjoni hija parti mill-proċess u billi ma indirizzajniex il-kwistjoni fid-dettall tlifna l-opportunità li nsibu tifsiriet komuni u li nniedu dibattitu. Barra minn hekk, il-programm BRITE juri tajjeb il-fatt li l-atturi kkonċernati jistgħu jsolvu b'mod sodisfaċenti bosta kwistjonijiet li jikkonċernaw id-dettalji permezz tal-awtoregolamentazzjoni.

4.5   Il-Kumitat iqis li l-fatt li r-regolamentazzjoni ma tindirizzax il-kwistjoni tat-trasferiment tas-sede, fatt li, kif tindika l-Green Paper, qed isir dejjem aktar determinanti f'suq dejjem aktar unifikat, huwa nuqqas serju. Fil-fehma tal-KESE, il-fatt li l-leġislatur ma jużax il-prinċipju tat-trasparenza tat-titoli bħala mudell, minkejja li rrefera għalih, huwa opportunità mitlufa.

4.6   Fil-kuntest ta’ dan il-proċess, seta' jkun utli li l-proposta tikkonsolida t-tliet direttivi emendati u tistabbilixxi b'mod verament awtonomu r-rekwiżiti tal-Unjoni f'dan il-qasam (3). Bl-emendi u l-atti delegati li ser jiġu adottati aktar tard, l-implimentazzjoni ser issir kemxejn anqas ċara speċjalment minħabba l-fatt li l-proposta li qed tiġi analizzata ma tiddefinixxix aktar fid-dettall l-isfidi tar-reġistrazzjoni f'termini ta’ ġestjoni u l-kooperazzjoni bejn ir-reġistri tal-intrapriżi tal-Istati Membri

4.7   Il-Kumitat huwa tal-opinjoni li ser ifeġġu diffikultajiet ġodda matul l-implimentazzjoni tal-objettivi stabbiliti peress li skont il-proposta, u nisperaw li mhux skont l-objettiv intiż inizjalment, il-korpi li qed jikkooperaw fir-reġistrazzjoni li s'issa kienu attivi fil-livell Ewropew, sew jekk uffiċjali, attivi fuq bażi volontarja jew stabbiliti mis-suq, mhux ser ikollhom post fil-qafas il-ġdid tal-kooperazzjoni. Il-KESE jaqbel ukoll li l-portal legali uniku tal-Unjoni Ewropea – il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika – għandu jkun il-punt ċentrali tal-aċċess għall-informazzjoni legali iżda jemmen li huwa importanti li jiġi żgurat ambitu għal inizjattivi b'għanijiet differenti, u eventwalment, usa'. Il-Kumitat jenfasizza li l-“Kooperazzjoni f'dan il-qasam hija importanti ħafna bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali, tal-UE, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili” (4). Il-KESE jittama li jiġi involut ukoll fl-istadji leġislattivi li jmiss u li jibqa' imsieħeb tal-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ din ir-regolamentazzjoni futura.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-KESE jappoġġja l-emendi proposti fir-rigward tad-Direttivi 89/666/KEE u 2005/56/KE.

5.2   Fir-rigward tal-emenda għad-Direttiva 2009/101/KE, il-KESE jemmen li huwa importanti li d-data tiġi ppubblikata mill-aktar fis possibbli, fid-dawl tal-limitazzjonijiet tekniċi u legali. Fil-fehma tal-KESE huwa possibbli li fil-perjodu qasir jitqassar b'mod radikali l-limitu ta’ żmien propost. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fat li f'xi każijiet dan il-limitu ta’ żmien jista' jkun twil wisq u għaldaqstant jista' jkun hemm bżonn li d-dikjarazzjoni tal-emendi ssir aktar malajr, jiġifieri permezz tal-pjattaforma Ewropea unika, permezz ta’ “pubblikazzjoni” (5) li sseħħ immedjatament wara notifika lokali u li tista' tiġi ċċertifikata fi stadju aktar tard. It-teknoloġija tal-informazzjoni attwali tagħmel dan possibbli.

5.3   Fir-rigward tal-ispejjeż marbuta ma’ dan is-servizz ta’ informazzjoni, jeħtieġ li jiġi stabbilit b'mod ċar jekk l-ispejjeż kollha għandhomx jiġu koperti mill-ammont imħallas mill-parti li tagħmel in-notifika u jekk il-parti li tagħmel it-talba għall-informazzjoni għandhiex tħallas ukoll. Is-sistemi implimentati fl-Istati Membri f'dan ir-rigward huma differenti. Skont il-prattika fis-seħħ sal-lum il-ġurnata, is-servizz huwa bla ħlas ħlief fil-każ fejn l-informazzjoni mitluba trid tinkiseb mir-reġistru kummerċjali ta’ pajjiż ieħor. Il-Kumitat itenni t-tama preċendenti tiegħu li t-talba għall-informazzjoni bażika tkun bla ħlas fil-kuntest tas-sistema Ewropea unifikata (6).

5.3.1   Il-Kumitat jemmen li l-informazzjoni dwar l-uffiċċju reġistrat, is-sidien u d-diriġenti prinċipali, is-sitwazzjoni legali u ekonomika, il-kapaċità ta’ reżistenza kif ukoll informazzjoni preċiża dwar il-kontabbiltà u l-karta tal-bilanċ ta’ kumpanija għandha tiġi kkunsidrata bħala informazzjoni bażika għall-kumpaniji kummerċjali tal-imsieħba kummerċjali, għall-membri tal-kumpanija, il-kredituri u l-impjegati tal-kumpanija.

5.3.2   F'dan ir-rigward, il-Kumitat jenfasizza li l-kwistjoni tal-ispejjeż tal-iżvilupp u tat-tħaddim tas-sistema ma ġietx indirizzata. Jiddispjaċih li l-proposta ma tinkludix studji tal-impatt li setgħu jippermettu li dan jiġi vvalutat. Madankollu, jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni għandha tipprevedi fondi biex tkopri dawn l-ispejjeż.

5.4   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-informazzjoni ser tkun disponibbli elettronikament. Madankollu jittama li l-użu tas-sistema ser jippermetti aċċess dirett kemm jista' jkun għall-informazzjoni. Minkejja dan, jirrikonoxxi li jeħtieġ li jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa ta’ żvelar u l-funzjonament rapidu u sigur. Il-Kumitat huwa konvint li huwa possibbli li jintlaħaq kompromess sodisfaċenti u li l-iżvelar ser jitjieb b'riżultat ta’ dan. Stennija fundamentali oħra tal-Kumitat fir-rigward tas-sistema unifikata hija li din tnaqqas kemm jista' jkun l-pubblikazzjoni stampata ta’ informazzjoni u għaldaqstant tal-ispejjeż tal-pubblikazzjoni.

5.4.1   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jistgħu jinħolqu kontradizzjonijiet bejn, minn naħa, l-obbligi Ewropej fir-rigward tan-notifika ta’ informazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-istandards legali fil-livell nazzjonali (pereżempju l-kwistjoni tal-awtentiċità tad-dokumenti). Din is-sitwazzjoni ma tistax tibqa' għaddejja fil-perjodu fit-tul.

5.5   Il-Kumitat jemmen li jeżistu wkoll soluzzjonijiet tekniċi sempliċi għall-kwistjonijiet tal-lingwa sakemm tkun twettqet ħidma preliminari konsiderevoli. Il-programmi attwali tat-traduzzjoni jippermettu li jiġu ppubblikati faċilment, fi kwalunkwe lingwa oħra, testi standardizzati bil-kundizzjoni li dawn ikunu disponibbli u li jkunu ġew approvati wara konsultazzjonijiet adatti. Dan it-tip ta’ standardizzazzjoni huwa maħsub l-aktar għall-informazzjoni bażika u d-dokumenti tal-kontabbiltà.

5.6   Fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni, il-KESE jemmen li huwa xieraq li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/64/KE dwar il-protezzjoni tad-data personali għar-reġistru kummerċjali.

5.7   Il-KESE jaċċetta l-1 ta’ Jannar 2014 bħala l-limitu ta’ żmien biex l-Istati Membri jimplimentaw l-atti legali meħtieġa. Madankollu, jemmen li l-UE għandha bżonn tistabbilixxi limitu ta’ żmien intern għall-applikazzjoni tal-miżuri stabbiliti fl-atti delegati. B'hekk, jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-istruttura li tagħti aċċess rapidu u uniformi għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji madwar l-Unjoni Ewropea kollha.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Fil-fatt, l-ewwel u l-ħdax-il direttiva jistgħu jiġu kkombinati faċilment peress li jindirizzaw l-istess suġġett (l-iżvelar tal-kumpaniji) filwaqt li d-direttiva dwar il-fużjonijiet transkonfinali hija limitata għal aspett speċifiku, jiġifieri ċ-ċarezza tar-reġistri kummerċjali f'każ ta’ operazzjonijiet transkonfinali.

(2)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 120.

(3)  Fil-fatt, l-ewwel u l-ħdax-il direttiva jistgħu jiġu kkombinati faċilment peress li jindirizzaw l-istess suġġett (l-iżvelar tal-kumpaniji) filwaqt li d-direttiva dwar il-fużjonijiet transkonfinali hija limitata għal aspett speċifiku, jiġifieri ċ-ċarezza tar-reġistri kummerċjali f'każ ta’ operazzjonijiet transkonfinali.

(4)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 120, punt 6.7.

(5)  Din tinkludi messaġġi jew informazzjoni ppubblikati fin-netwerk elettroniku Ewropew u li jkunu aċċessibbli direttament mill-partijiet interessati.

(6)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 120, punt 1.5.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/123


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea”

COM(2010) 609 finali

2011/C 248/21

Relatur: is-Sur MORGAN

Nhar l-4 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea

COM(2010) 609 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tas-16 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'155 vot favur, 9 voti kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-UE hija bbażata fuq id-Direttiva tal-1995 (95/46 KE). Din kellha żewġ objettivi, li huma:

(1)

L-Istati Membri jridu jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertà ta’ persuni naturali, u b'mod partikolari d-drittijiet tagħhom għall-privatezza fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali.

(2)

L-Istati Membri m'għandhomx la jirrestrinġu u lanqas jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa ta’ data personali bejniethom għal raġunijiet li jkollhom x'jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.

Huwa essenzjali li jintlaħaq bilanċ bejn dawn l-objettivi sabiex ma jkunux f'kunflitt ma’ xulxin. L-objettiv ewlieni ta’ leġislazzjoni ġdida għandu jkun li jiġi stabbilit qafas legali li jgħin sabiex jintlaħqu ż-żewġ objettivi.

1.2   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon din il-Komunikazzjoni li tippreżenta l-approċċ tal-Kummissjoni għall-aġġornar tad-Direttiva 95/46 KE dwar il-Protezzjoni tad-Data. L-iżvilupp enormi fit-teknoloġiji l-ġodda qed jikkawża żieda esponenzjali fl-ammont ta’ pproċċessar onlajn tad-data u din tesiġi żieda parallela fil-ħarsien tad-data personali jekk se tiġi evitata l-intrużjoni fuq skala kbira fil-privatezza personali tan-nies. Il-ġbir, l-amalgamazzjoni u l-ġestjoni tad-data minn sorsi multipli jridu jiġu ċirkoskritti b'attenzjoni. Is-settur pubbliku għandu ħafna fajls differenti dwar aspetti tar-relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-istat. Id-data li tinġabar għandha tkun il-minimu meħtieġ għal kull għan u għandu jkun ipprojbit li din id-data varja tinġabar u tinżamm f'bazi tad-data fl-istil ta’ “big brother”.

1.3   Fl-istess waqt, il-KESE javża biex inkunu kawti. leġislazzjoni li tirregola l-attività tan-negozju trid tibqa' stabbli u prevedibbli. Għaldaqstnat, il-KESE jappoġġja reviżjoni adatta tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data.

1.4   Il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi li tħassib ewlieni rikorrenti għall-partijiet interessati, b'mod partikolari għall-kumpaniji multinazzjonali, huwa n-nuqqas ta’ armonizzazzjoni suffiċjenti bejn il-leġislazzjoni tal-Istati Membri dwar il-ħarsien tad-data, minkejja li jeżisti qafas legali komuni tal-UE. Il-KESE jipproponi li l-leġislazzjoni l-ġdida tipprovdi protezzjoni aktar konsistenti tad-data personali tal-ħaddiema madwar l-UE, inkluż qafas Ewropew sabiex jissaħħu ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali. F'dan ir-rigward il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon b'mod partikolari l-intenzjoni li l-ħatra ta’ Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data indipendenti fil-kumpanija tkun obbligatorja u li jiġu armonizzati r-regoli relatati mal-ħidmiet u l-kompetenzi tagħhom.

1.5   Meta wieħed iqis il-kunflitt possibbli bejn il-privatezza tal-individwu u l-isfruttar kummerċjali tad-data dwar dak l-individwu, kif ukoll il-fatt li hemm ħafna x'wieħed jiggwadanja minn dan, in-nies iridu jsiru dejjem iktar konxji tal-għanijiet li għalihom id-data tagħhom tinġabar u l-poteri li għandhom biex jikkontrollawha meta tkun inġabret. Għaldaqstant il-KESE jemmen li infurzar u rimedju effettivi huma kundizzjonijiet essenzjali jekk dan il-proġett se jkun tassew “komprensiv”. Barra minn hekk, trid tiġi koperta d-dimensjoni transkonfinali.

1.6   Safejn jirrigwarda ċ-ċittadini tal-UE, il-liġi rilevanti fl-Unjoni Ewropea għandha tkun dik tal-Istat Membru tal-kontrollur tad-data, tkun fejn tkun miżmuma d-data. Għal dawk li huma intitolati għal protezzjoni, speċjalment l-impjegati u l-konsumaturi, għandha tapplika l-liġi dwar il-ħarsien tad-data fis-seħħ fil-pajjiż ta’ residenza abitwali tagħhom.

1.7   Ir-referenza għat-tfal issir fuq fuq. Jenħtieġ li jkun hemm enfasi speċifika fuq kwistjonijiet ta’ privatezza relatati mat-tfal. Id-dritt li wieħed jintesa jista' jikkoreġi r-rikordju tal-bluha tat-tfulija u l-praspar taż-żgħożija iżda d-dritt li wieħed jintesa, fil-fatt, jista' ma jkunx possibbli.

1.8   Id-definizzjoni attwali ta’ data sensittiva trid tiġi kkjarifikata billi qed ikomplu jiżdiedu l-kategoriji ta’ data elettronika dwar l-individwi. L-użu mifrux u xejn għaqli ta’ kameras tas-sorveljanza qed iħasseb lill-KESE. Huwa essenzjali li tiġi infurzata l-liġi li tirrestrinġi l-użu ħażin ta’ dawn ix-xbihat. Data tal-GPRS relatata mal-post fejn ikun qiegħed l-individwu hija kwistjoni oħra problematika. Qed jiżdied il-ġbir ta’ data bijometrika. Id-definizzjoni trid tiġbor fiha dawn it-teknoloġiji u metodoloġiji ġodda, u trid tkun tista' tippermetti li jiġu inklużi aktar żviluppi teknoloġiċi fil-ġejjieni. Jaf ikun neċessarju li jiġu stabbiliti prinċipji relatati għal kuntesti. Il-KESE huwa favur l-użu adatt ta’ dawn it-teknoloġija ġodda.

1.9   Filwaqt li jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni bejn il-pulizija tal-Istati Membri hija kwistjoni sensittiva, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li d-drittijiet fundamentali, inkluż il-ħarsien tad-data personali, jiġu kkunsidrati bis-sħiħ f'kull ħin u mument.

1.10   Il-KESE jappoġġja l-idea ġenerali tal-Kummissjoni li tiġi żgurata applikazzjoni aktar konsistenti tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data madwar l-Istati Membri kollha. Il-KESE jinsab imħasseb li jista' jagħti l-każ li t-12-il Stat Membru Ġodda (SMĠ) għadhom ma lestewx l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tad-Direttiva 95/46.

1.11   Il-KESE huwa tal-fehma li ġeneralment l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data nazzjonali m'għandhomx setgħat kbar u qed ikollhom wisq x'jagħmlu, kif ukoll li l-ħtiġijiet tagħhom sabiex ikunu indipendenti jridu jiġu rinforzati. Kwalunkwe Direttiva ġdida għandha tesiġi li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom l-istatus, l-awtorità u r-riżorsi meħtieġa biex jaqdu r-rwol tagħhom.

1.12   Abbażi tal-kontribut tiegħu s'issa għall-ħarsien tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, il-KESE jemmen li hemm rwol kontinwu u ta’ valur għall-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Artikolu 29.

1.13   Fil-kuntest tal-Aġenda Diġitali tal-UE, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra t-twaqqif ta’ Awtorità tal-UE li tikkunsidra r-ramifikazzjonijiet soċjetali usa' tal-Internet fuq perjodu ta’ żmien ta’ bejn 10 u 20 sena. Id-dispożizzjonijiet attwali għas-sigurtà tad-data personali u għas-sigurtà ċibernetika inġenerali qed isiru dejjem iktar inadegwati. Is-soċjetà dejjem qed tipprova tlaħħaq u taqa' lura. Fil-kuntest tal-ħarsien tad-data, il-KESE jirrakkomanda l-ħatra ta’ Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data responsabbli għall-UE kollha. Is-Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data attwali jieħu ħsieb biss l-Istituzzjonijiet tal-UE. Hemm bżonn ta’ superviżur responsabbli għall-koordinazzjoni u tal-istandards operattivi tal-Istati Membri. Madankollu, ħatra bħal din għandha tipprovdi biss parti waħda tal-Awtorità globali li qed jipprevedi l-Kumitat.

2.   Daħla

2.1   Il-KESE jkompli jappoġġja l-prinċipji li fuqhom hija msejsa d-Direttiva tal-1995. Li ġejjin huma kwotazzjonijiet semplifikati u mhux kwalifikati mit-test tad-Direttiva. Jesprimu b'mod ċar il-prinċipji inkwistjoni:

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandha tkun:

(a)

ipproċessata b'mod ġust u skont il-liġi;

(b)

miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi;

(c)

adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalihom tinġabar u/jew tiġi iktar ipproċessata;

(d)

eżatta u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata;

(e)

miżmuma b'mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li data personali tista' tkun ipproċessata biss jekk:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b'mod ċar; jew

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir kuntratt li tiegħu s-suġġett tad-data jkun parti; jew

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur; jew

(d)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex jipproteġi l-interessi vitali tas-suġġett tad-data; jew

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex issir ħidma fl-interess pubbliku; jew

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew il-filosofiku, is-sħubija trejdjunjonistika, u l-ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali.

2.2   Fl-aħħar deċennju, iċ-ċirkostanzi nbidlu b'mod sinifikanti, b'dispożizzjonijiet ġodda fl-Artikolu 16 tat-Trattat ta’ Lisbona u l-Artikolu 8 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali.

2.3   Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tistipola l-approċċ tal-Kummissjoni għall-immodernizzar tas-sistema legali tal-UE għall-ħarsien tad-data personali fl-oqsma kollha tal-attività tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu, b'mod partikolari, l-isfidi li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni u minn teknoloġiji ġodda, sabiex tkun tista' tkompli tiggarantixxi livell għoli ta’ ħarsien tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-oqsma kollha tal-attività tal-Unjoni.

2.4   Illum il-ġurnata l-iskambju tal-informazzjoni madwar id-dinja sar iktar faċli u iktar bil-ħeffa. Id-data personali ta’ individwu – l-indirizz elettroniku, ir-ritratti u d-djarji elettroniċi – tista' tinħoloq fir-Renju Unti b'softwer ospitat fil-Ġermanja, ipproċessat fl-Indja, miżmum fil-Polonja u aċċessat fi Spanja minn ċittadin Taljan. Iż-żieda mgħaġġla fil-flussi tal-informazzjoni madwar id-dinja tippreżenta sfida kbira għad-drittijiet tal-individwi għall-privatezza tad-data personali tagħhom. Kwistjonijiet ta’ ħarsien tad-data, inkluża d-dimensjoni transkonfinali tagħhom, jaffettwaw lin-nies kuljum – fix-xogħol, meta jittrattaw mal-awtoritajiet pubbliċi, meta jixtru prodotti jew servizzi, jew meta jivvjaġġaw jew jużaw l-internet.

2.5   Fl-2011 il-Kummissjoni se tipproponi leġislazzjoni mmirata lejn ir-reviżjoni tal-qafas legali għall-ħarsien tad-data bl-objettiv li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tal-individwu fil-kuntest tal-politiki kollha tal-UE, inkluż l-infurzar tal-liġi u l-prevenzjoni tal-kriminalità, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ dawn l-oqsma. Se jiġu segwiti b'mod parallel miżuri mhux leġislattivi, bħat-tħeġġiġ tal-awtoregolazzjoni u l-istudju dwar il-fattibilità tas-siġilli tal-privatezza.

2.6   Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura wkoll il-monitoraġġ adatt tal-implimentazzjoni korretta tal-liġi tal-Unjoni f'dan il-qasam, billi twettaq politika dwar il-ksur li hija attiva kull fejn ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data ma jiġux implimentati u applikati b'mod korrett.

2.7   L-approċċ komprensiv għall-protezzjoni tad-data għandu dawn l-objettivi ewlenin:

it-tisħiħ tad-drittijiet tal-individwu;

it-tisħiħ tad-dimensjoni tas-suq intern;

ir-reviżjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u dik ġudizzjarja fil-qasam tal-kriminalità;

id-dimensjoni globali tal-protezzjoni tad-data;

arranġament istituzzjonali iktar b'saħħtu għal infurzar aħjar tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

It-taqsimiet 3 sa 7 hawn isfel jagħtu sommarju ta’ dawn l-objettivi u joffru l-perspettiva tal-KESE dwar il-proposti. It-titoli f'tipa grassa isegwu l-istruttura tal-Komunikazzjoni. It-test f'tipa korsiva huwa sinopsi tat-test.

3.   Tisħiħ tad-drittijiet tal-individwi

3.1   Żgurar ta’ protezzjoni adatta għall-individwi fiċ-ċirkostanzi kollha

Il-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tinkludi d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Id-definizzjoni ta’ data personali għandha l-għan li tkopri l-informazzjoni kollha relatata ma’ persuna identifikata jew li tista' tiġi identifikata. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-mezzi li bihom tiġi assigurata l-applikazzjoni koerenti tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data, filwaqt li jitqies l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda fuq id-drittijiet u l-libertajiet tal-individwu u l-objettiv li tiġi assigurata ċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fis-suq intern.

3.1.1   Iċ-ċirkolazzjoni libera tad-data personali fis-suq intern hija neċessarja għal suq li jiffunzjona għal kollox, iżda hija theddida għall-privatezza tad-data miżmuma minn kumpaniji dwar l-impjegati tagħhom. Jenħtieġu salvagwardji speċifiċi, bħal pereżempju r-responsabbiltà li jridu jerfgħu l-kontrolluri tad-data għall-iskambju ta’ data fuq livell multinazzjonali u l-użu tal-kriptaġġ għal data aktar sensittiva.

3.1.2   Il-KESE jixtieq jenfasizza li s-settur tal-impjiegi huwa kważi kollu eskluż mhux biss mill-Komunikazzjoni attwali iżda wkoll mid-dibattitu kollu dwar il-protezzjoni tad-data fl-Ewropa. Ix-xogħol li diġà sar fil-livell Ewropew għandu jintuża bħala punt ta’ tluq, b'mod partikolari l-proposti li tressqu mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Artikolu 29.

3.2   Żieda fit-trasparenza għas-suġġetti tad-data

It-trasparenza hija kundizzjoni fundamentali biex tippermetti lill-individwi jeżerċitaw kontroll fuq id-data tagħhom stess u biex jiżguraw protezzjoni effettiva tad-data personali. Ser jiġi kkunsidrat prinċipju ġenerali tal-iproċessar trasparenti, l-obbligi speċifiċi għall-kontrolluri tad-data, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfal, formoli standard ta’ informazzjoni dwar il-privatezza u n-notifika obbligatorja dwar l-aċċess mhux awtorizzat tad-data personali.

3.2.1   Formoli standard huma preferibbli billi b'hekk jiġu evitati kunflitti tal-interess. Għandhom jintużaw fuq bażi volontarja.

3.2.2   It-trasparenza mhux neċessarjament tindirizza l-kwistjoni ta’ termini kuntrattwali li jxeqilbu lejn naħa waħda. Huwa importanti li jiġu żviluppati regoli iktar stretti sabiex ikun hemm iżjed protezzjoni kontra kriterji mhux ġusti.

3.2.3   Ir-referenza għat-tfal issir fuq fuq. Jenħtieġ li jkun hemm enfasi speċifika fuq kwistjonijiet ta’ privatezza relatati mat-tfal. Id-dritt li wieħed jintesa jista' jikkoreġi r-rikordju tal-bluha tat-tfulija u l-praspar taż-żgħożija iżda d-dritt li wieħed jintesa, fil-fatt, jista' ma jkunx possibbli (ara punt 3.3.2 iktar 'l isfel).

3.2.4   Il-leġislazzjoni l-ġdida trid tikkjarifika r-rwol tal-persuna responsabbli għall-ipproċessar tad-data u l-persuna responsabbli għar-rikordjar tad-data sabiex ma jkunx hemm konfużjoni dwar l-identità tagħhom u dwar l-obbligi u d-drittijiet li kull wieħed minnhom għandu.

3.2.5   Il-KESE jappoġġja l-proposta għal notifika obbligatorja dwar aċċess mhux awtorizzat tad-data personali, iżda jemmen li ma tkunx applikabbli għal kull tip ta’ każ fis-setturi kollha fiċ-ċirkostanzi kollha.

3.3   Titjib tal-kontroll li wieħed ikollu fuq id-data tiegħu stess

Prekundizzjonijiet importanti huma l-limitazzjoni tal-ipproċessar tad-data f'relazzjoni mal-finijiet tagħha (prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data) u l-kontroll effettiv mis-suġġetti tad-data fuq id-data tagħhom stess. Għandu jiġi kkunsidrat it-tisħiħ tal-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, it-titjib tal-modalitajiet għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-aċċess, tar-rettifika, tat-tħassir jew tal-iblukkar tad-data, il-kjarifika tad-dritt imsejjaħ “id-dritt li tintesa” u l-iżgurar tad-dritt tal-portabbiltà tad-data.

3.3.1   B'mod ġenerali l-KESE jappoġġja kull azzjoni favur it-tisħiħ tal-privatezza personali. L-individwu għandu jkollu d-dritt għal aċċess ħieles għal kwalunkwe data li tinġabar dwaru. Każ partikolari huwa l-aċċess ħieles għad-data dwar il-klassifikazzjoni tal-kreditu. It-tneħħija tal-kunsens mingħajr raġuni u d-dritt effettiv li d-data tintesa huma fundamentali, iżda l-privatezza tkun imsaħħa iżjed jekk mill-bidu nett tinġabar inqas data. Għaldaqstant il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti effett reali lill-proposta li jissaħħaħ il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data.

3.3.2   Filwaqt li d-dritt li wieħed jintesa huwa kunċett attraenti, se jkun diffiċli li jintlaħaq, meta wieħed iqis in-natura virali tad-data fuq l-internet u t-teknoloġiji li jħassru iżda li ma jinsewx.

3.4   Ħidma ta’ sensibilizzazzjoni

Għandhom jiġu inkoraġġiti attivitajiet li jqawwu s-sensibilizzazzjoni, inkluż il-forniment ta’ informazzjoni fuq siti tal-internet, fejn jiġu spjegati b'mod ċar id-drittijiet tas-suġġett tad-data u r-responsabbiltajiet tal-kontrolluri tad-data. In-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni min-naħa taż-żgħażagħ huwa ta’ tħassib partikolari.

3.4.1   Se jkun diffiċli li ssir dik il-bidla neċessarja fl-imġieba, speċjalment minħabba li l-iżvilupp mgħaġġel tan-netwerks soċjali ma kienx akkumpanjat minn żieda fl-għarfien fost l-utenti dwar l-implikazzjonijiet tal-kwantitajiet ta’ data li huma jagħtu. Filwaqt li, fil-prinċipju, ikun tajjeb li jkollna avviżi obbligatorji ta’ sensibilizzazzjoni dwar kull servizz tal-internet, dawn jistgħu joħolqu problemi għan-negozju. Għandhom jiġu kkunsidrati protokolli ta’ sensibilizzazzjoni skont il-kategorija tas-servizz – kummerċ fuq l-internet, ISPs, Programmi għat-Tiftix (Search Engines), Netwerks soċjali, eċċ.

3.4.2   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toffri fondi tal-UE bħala appoġġ għal attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni. Il-KESE jixtieq li din tiġi estiża għall-kofinanzjar ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni organizzati mill-Imsieħba Soċjali u l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili fil-livell Ewropew u nazzjonali.

3.5   Żgurar ta’ kunsens infurmat u ħieles

Il-Kummissjoni se teżamina metodi biex jiġu ċċarati u msaħħha r-regoli dwar il-kunsens.

3.5.1   It-tipi ta’ kunsens meħtieġa għandhom ikomplu jintrabtu mat-tip ta’ data li qed tiġi pproċessata u mhux mat-tip ta’ teknoloġija użata. Madankollu, il-KESE huwa mħasseb li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, meta l-kunsens jingħata f'ambjent tal-internet, l-applikazzjoni ma tipprovdix xi konferma ta’ dak il-ftehim, u ma jeżistux mekkaniżmi effettivi li jżommu rikordju tat-tneħħija tal-kunsens. Barra minn hekk, ftehim jista' jinvolvi li tikklikkja buttuna biex turi li taqbel ma’ ammonti kbar ta’ termini u kundizzjonijiet, li fihom il-kunsens mogħti jaf ikun biss element żgħir. Jagħmel sens li l-kunsens relattiv għall-kontroll tad-data jkun dokument sempliċi u separat sabiex ikun jagħmel sens, ikun informat u jkun speċifiku.

3.5.2   Għal organizzazzjonijiet u negozji li jwettqu l-attivitajiet tagħhom fuq l-Internet, l-ipproċessar tal-informazzjoni personali huwa vitali. Huwa ċar li l-għażla standard (default) hija ta’ vantaġġ għall-operatur iżda, jekk din ma tiġix implimentata b'mod ġust, tista' toħloq żvantaġġi għall-klijent. Din għandha tintuża b'mod ċirkoskritt, sabiex l-operaturi kollha jkunu marbutin li joffru l-privatezza bħala l-għażla standard lill-klijenti tagħhom jekk il-klijenti ikunu jixtiequ hekk.

3.5.3   Biex il-kunsens jingħata b'mod ħieles, il-kuntratt ukoll irid ikun ġust. Iridu jiġu stabbiliti prinċipji sabiex jiġu evitati prattiki kummerċjali mhux ġusti.

3.6   Il-protezzjoni ta’ data sensittiva

Għandu jiġi kkunsidrat li titwessa' d-definizzjoni ta’ “data sensittiva”, sabiex tinkludi, pereżempju, data ġenetika u aktar armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu l-ipproċessar tad-data sensittiva.

3.6.1   Id-definizzjoni attwali ta’ data sensittiva trid tiġi kkjarifikata billi qed ikomplu jiżdiedu l-kategoriji ta’ data elettronika dwar l-individwi. L-użu mifrux u xejn għaqli ta’ kameras tas-sorveljanza qed iħasseb lill-KESE. Huwa essenzjali li tiġi infurzata l-liġi li tirrestrinġi l-użu ħażin ta’ dawn ix-xbihat. Data tal-GPRS relatata mal-post fejn ikun qiegħed l-individwu hija kwistjoni oħra problematika. Qed jiżdied il-ġbir ta’ data bijometrika. Id-definizzjoni trid tiġbor fiha dawn it-teknoloġiji u metodoloġiji ġodda, u trid tkun tista' tippermetti li jiġu inklużi aktar żviluppi teknoloġiċi fil-ġejjieni. Jaf ikun neċessarju li jiġu stabbiliti prinċipji relatati għal kuntesti. Il-KESE huwa favur l-użu adatt ta’ dawn it-teknoloġija ġodda.

3.6.2   Għandha tingħata wkoll protezzjoni msaħħa lid-data sensittiva. Il-kriptaġġ għandu jkun obbligatorju għal ċertu data sensittiva. Għandhom jiġu applikati l-aqwa teknoloġiji disponibbli. Il-kontrolluri għandhom ikunu responsabbli għal kull użu mhux awtorizzat.

3.7   Rimedji u sanzjonijiet aktar effettivi

Se tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li tiġi estiża s-setgħa biex tittieħed azzjoni quddiem il-qrati nazzjonali kif ukoll li jiġu inklużi sanzjonijiet kriminali f'każ ta’ ksur serju tal-protezzjoni tad-data

3.7.1   Meta wieħed iqis il-kunflitt possibbli bejn il-privatezza tal-individwu u l-isfruttar kummerċjali tad-data dwar dak l-individwu, kif ukoll il-fatt li hemm ħafna x'wieħed jiggwadanja minn dan, in-nies iridu jsiru dejjem iktar konxji tal-għanijiet li għalihom id-data tagħhom tinġabar u l-poteri li għandhom biex jikkontrollawha meta tkun inġabret. Għaldaqstant il-KESE jemmen li infurzar u rimedju effettivi huma kundizzjonijiet essenzjali jekk dan il-proġett se jkun tassew “komprensiv”. Barra minn hekk, trid tiġi koperta d-dimensjoni transkonfinali.

3.7.2   Il-każ favur rimedju kollettiv għandu jiġi studjat bħala rimedju għal nuqqasijiet estremi fil-protezzjoni tad-data. Għandha tiġi kkunsidrata l-possibbilità li organizzazzjonijiet tan-negozju, dawk professjonali u u trade unions jirrappreżentaw l-individwi u jieħdu azzjoni quddiem il-qrati.

4.   Titjib tad-dimensjoni tas-suq intern

4.1   Żieda taċ-ċertezza legali u provvediment ta’ livelli ugwali għall-kontrolluri tad-data

Il-Protezzjoni tad-data fl-UE għandha dimensjoni qawwija tas-suq intern. Għandhom jiġu kkunsidrati l-mezzi biex tinkiseb aktar armonizzazzjoni tar-regoli tal-protezzjoni tad-data fil-livell tal-UE.

4.1.1   Il-KESE jinsab imħasseb li l-ambitu tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Istat Membru li huwa stipulat fit-test tad-Direttiva 95/46 ħoloq problema ta’ implimentazzjoni. Regolament f'dan il-kuntest seta' pprovda iktar ċertezza. L-armonizzazzjoni għandha tiġi implimentata madwar korp ta’ standards li huma biżżejjed biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva.

4.1.2   Tul il-Komunikazzjoni ma ssirx referenza għall-impjegati u l-aċċess għad-data personali tagħhom miżuma minn min iħaddimhom. F'kumpaniji multinazzjonali li jistgħu jiċċentralizzaw il-fajls fl-UE jew anke barra l-UE, l-impjegati jeħtieġu li d-drittijiet ta’ aċċess jiġu definiti b'mod ċar bħala parti mil-leġislazzjoni l-ġdida.

4.2   Tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-kontrolluri

Se jiġu esplorati possibbiltajiet differenti għas-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tas-sistema ta’ notifika kurrenti, inkluż il-possibbiltà li titfassal formola ta’ reġistrazzjoni uniformi madwar l-UE. In-notifiki jkun jistgħu jiġu ppubblikati fuq l-internet.

4.2.1   Il-KESE jixtieq ħafna jappoġġja dawn l-inizjattivi.

4.3   Iċċarar tar-regoli dwar il-liġi applikabbli u r-responsabbiltà tal-Istati Membri

Mhux dejjem ċar għall-kontrolluri tad-data u l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data liema Stat Membru huwa responsabbli u liema liġi hija applikabbli meta huma konċernati għadd ta’ Stati Membri. Il-globalizzazzjoni u l-iżviluppi teknoloġiċi qed jiggravaw il-problema. Ser jiġu studjati r-reviżjoni u l-kjarifika tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-liġi applikabbli sabiex titjieb iċ-ċertezza legali u jiġu ċċarati r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri.

4.3.1   Safejn jirrigwarda ċ-ċittadini tal-UE, il-liġi rilevanti fl-Unjoni Ewropea għandha tkun dik tal-Istat Membru tal-kontrollur tad-data, tkun fejn tkun miżmuma d-data. Għal dawk li huma intitolati għal protezzjoni, b'mod partikolari l-impjegati u l-konsumaturi fl-UE, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet u l-proċeduri tal-liġi dwar il-ħarsien tad-data fis-seħħ fil-pajjiż ta’ residenza abitwali tagħhom.

4.4   Żieda fir-responsabbiltà tal-kontrolluri tad-data

Il-Kummissjoni se tesplora metodi biex jiżguraw li l-kontrolluri tad-data jdaħħlu fis-seħħ politiki u mekkaniżmi effettivi biex jiżguraw konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data. Se jiġi kkunsidrat li l-ħatra ta’ uffiċjal tal-protezzjoni tad-Data tkun obbligatorja u li jiġu armonizzati r-regoli relatati mal-ħidmiet u l-kompetenzi tagħhom, sabiex jinħoloq l-obbligu għal valutazzjoni tal-impatt għall-protezzjoni tad-data. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tippromovi iktar l-użu ta’ PETs (Teknoloġiji li Jżidu l-Privatezza) u l-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ “Privatezza bit-Tfassil”.

4.4.1   Il-PETs u l-Privatezza bit-Tfassil għandhom il-potenzjal li jenħħu d-diskrezjoni minn idejn il-kontrolluri tad-data. Jekk dan ma jsirx jistgħu jsibu ruħhom f'kunflitt minħabba l-prijoritajiet kummerċjali tal-organizzazzjonijiet tagħhom. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tniedi aktar studji u l-iżvilupp ta’ dawn l-għodod billi għandhom il-potenzjal li jsaħħu l-protezzjoni tad-data waqt li jneħħu l-kunflitti ta’ interess. Idealment, dawn l-għodod isiru obbligatorji.

4.4.2   Sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju, il-kontrolluri tad-data għandhom iwieġbu għall-aspetti kollha tal-ipproċessar tad-data li għaliha huma responsabbli. Għaldaqstant, fejn hemm sottokuntratturi jew operazzjonijiet f'pajjiżi oħra, l-obbligi tal-privatezza personali jridu jiġu stipulati b'mod komplut fil-kuntratt.

4.4.3   Il-KESE jemmen li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi korp professjonali li jkun responsabbli għall-ħiliet u ċ-ċertifikazzjoni tal-Uffiċjali tal-Protezzjoni tad-Data (UPD).

4.4.4   L-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet taħt dan it-titlu għandha tkun konsistenti mal-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-kontrolluri tad-data kopert fil-punt 4.2.

4.5   Ninkoraġġixxu inizjattivi awto-regolatorji u l-esplorazzjoni tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni tal-UE

Il-Kummissjoni se teżamina l-mezzi biex tinkoraġġixxi aktar inizjattivi awtoregolatorji bħall-kodiċijiet tal-kondotta u tesplora l-fattibilità ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni tal-UE.

4.5.1   Ara l-punt 3.7.1 hawn fuq: l-infurzar u r-rimedju huma ta’ tħassib ewlieni għall-KESE. Dawn il-proposti huma attraenti billi jistgħu jgħinu biex jitnaqqas il-piż enormi ta’ regolazzjoni li jġorr fuq spallejh is-settur tan-negozju. Kompendju jew gwida tal-aqwa prattika għandhom jiġu sponsorjati minn kull Stat Membru.

5.   Reviżjoni tar-regoli tal-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fil-qasam kriminali

L-istrument tal-UE għall-protezzjoni tad-data personali fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni f'materji kriminali hija Deċiżjoni Qafas JHA tal-2008. Għandha ħafna nuqqasijiet li jistgħu jaffettwaw il-possibilitajiet li l-individwi jeżerċitaw id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data tagħhom f'oqsma bħal ngħidu aħna li jkunu jafu liema data personali qed tiġi pproċessata u mqassma dwarhom, minn min u għal liema raġuni, u kif jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħad-dritt għall-aċċess tad-data tagħhom.

Għandha tiġi kkunsidrata l-estensjoni tal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali tal-protezzjoni tad-data għall-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda f'oqsma bħall-ipproċessar ta’ data ġenetika, it-tnedija ta’ konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni tas-sistemi ta’ superviżjoni f'dan il-qasam u l-evalwazzjoni tal-bżonn għal allinjament fuq medda twila ta’ żmien tar-regoli varji speċifiċi għas-settur fil-qafas legali ġenerali ġdid tal-protezzjoni tad-data.

5.1   Filwaqt li jirrikonoxxi li l-kooperazzjoni bejn il-pulizija tal-Istati Membri hija kwistjoni sensittiva, il-KESE jemmen li huwa essenzjali li d-drittijiet fundamentali, inkluż il-ħarsien tad-data personali, jiġu kkunsidrati bis-sħiħ f'kull ħin u mument. Il-KESE jibża' li tħassib dwar is-sigurtà, anke jekk ma jkollux bażi soda, ta’ spiss qed jikkawża li d-drittijiet fundamentali ma jiġux rispettati. Individwi jridu jkunu informati aħjar dwar il-metodi u l-għanijiet li bihom u li għalihom l-awtoritajiet jiġbru data personali mill-kontijiet tat-telefown, il-kontijiet tal-bank, il-kontrolli li jsiru l-ajruport, eċċ.

6.   Id-dimensjoni globali tal-protezzjoni tad-data

6.1   Kjarifika u simplifikar tar-regoli għat-trasferimenti internazzjonali tad-data

Il-Kummissjoni bi ħsiebha teżamina kif:

ittejjeb il-proċeduri kurrenti għat-trasferimenti ta’ data internazzjonali sabiex tiżgura strateġija tal-UE aktar uniformi u koerenti fir-rigward ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali;

tispeċifika aħjar il-kriterji u r-rekwiżiti għall-valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni tad-data f'pajjiż terz jew f'organizzazzjoni internazzjonali;

tiddefenixxi l-elementi ewlenin tal-protezzjoni tad-data tal-UE, li jistgħu jintużaw għal ftehimiet internazzjonali.

6.1.1   Il-KESE jappoġġja dawn l-inizjattivi tajbin u jittama li l-Kummissjoni tkun tista' tilħaq ftehim internazzjonali wiesa' li mingħajru dawn il-proposti ma jkunux daqstant effettivi.

6.2   Il-Promozzjoni tal-prinċipji universali

Jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tibqa' forza qawwija wara l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ standards internazzjonali tekniċi u legali għall-protezzjoni tad-data personali. Għal dan il-għan il-Kummissjoni se tkun attiva fil-qasam tal-istandards internazzjonali u f'kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OECD.

6.2.1   Għal darb' oħra l-KESE jagħti l-appoġġ tiegħu. Fid-dawl tan-natura globali tal-Internet, huwa essenzjali li r-regoli u l-linji gwida jkunu kumpatibbli minn kontinent għal ieħor. Id-data personali jrid ikollha protezzjoni transkonfinali. Ninnotaw li l-linji gwida tal-OECD diġà jeżistu, l-istess bħalma teżisti diġà l-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa. Din il-Konvenzjoni tal-aħħar hija fil-proċess li tiġi riveduta. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Konvenzjoni u d-Direttiva l-ġdida jkunu kumpatibbli.

7.   Arranġament istituzzjonali aktar b'saħħtu għal infurzar aħjar tar-regoli tal-protezzjoni tad-data

Il-Kummissjoni se teżamina:

kif issaħħaħ, tikkjarifika u tarmonizza l-istatus u s-setgħat tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data nazzjonali;

metodi biex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data;

kif tiżgura applikazzjoni aktar konsistenti tar-regoli tal-protezzjoni tad-data tal-UE fis-suq intern. Il-Miżuri jistgħu jinkludu:

it-tisħiħ tar-rwol tas-superviżuri nazzjonali tal-protezzjoni tad-data;

koordinazzjoni aħjar tax-xogħol tagħhom permezz tal-grupp ta’ ħidma Artikolu 29;

il-ħolqien ta’ mekkaniżmu għall-iżgurar tal-konsistenza fis-suq intern taħt l-awtorità tal-Kummissjoni Ewropea.

7.1   Fid-dawl tat-tħassib tal-KESE dwar l-infurzar u r-rimedju, dawn il-proposti huma kwistjonijiet ewlenin għall-Kumitat. Napprovaw frażijiet bħal “issaħħaħ, tikkjarifika u tarmonizza” u “kooperazzjoni u koordinazzjoni” u nappoġġjaw is-sens ġenerali tal-Kummissjoni li tiżgura applikazzjoni iktar konsistenti tar-regoli tal-protezzjoni tad-data tal-UE madwar l-Istati Membri. Il-KESE jinsab imħasseb li jista' jagħti l-każ li t-12-il Stat Membru Ġodda (SMĠ) għadhom ma lestewx l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tad-Direttiva 95/46.

7.2   Il-KESE huwa tal-fehma li ġeneralment l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data nazzjonali m'għandhomx setgħat kbar u qed ikollhom wisq x'jagħmlu, kif ukoll li l-ħtiġijiet tagħhom sabiex ikunu indipendenti jridu jiġu rinforzati. Kwalunkwe Direttiva ġdida għandha tesiġi li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom l-istatus, l-awtorità u r-riżorsi meħtieġa biex jaqdu r-rwol tagħhom. Id-dmirijiet u r-riżorsi tagħhom għandhom jiġu definiti fuq bażi pan-Ewropew. Għandha tiġi kkunsidrata l-ħatra ta’ Superviżur Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data.

7.3   Abbażi tal-kontribut tiegħu s'issa għall-ħarsien tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, il-KESE jemmen li hemm rwol kontinwu u ta’ valur għall-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Artikolu 29.

Brussell, 16 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


ANNESS

għall-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Dan it-test li ġej mill-opinjoni tas-sezzjoni speċjalizzata tneħħa biex jiddaħħlu minflok emendi adottati mill-assemblea, għalkemm tal-inqas kwart tal-voti mixħuta kienu favur li jinżamm it-test tal-opinjoni tas-sezzjoni speċjalizzata:

Punt 1.6

Safejn jirrigwarda ċ-ċittadini tal-UE u l-impjegati fl-UE, il-liġi rilevanti fl-Unjoni Ewropea għandha tkun dik tal-Istat Membru tal-kontrollur tad-data, tkun fejn tkun miżmuma d-data.

Punt 4.3.1

Safejn jirrigwarda ċ-ċittadini tal-UE u l-impjegati fl-UE, il-liġi rilevanti fl-Unjoni Ewropea għandha tkun dik tal-Istat Membru tal-kontrollur tad-data, tkun fejn tkun miżmuma d-data.

Riżultat

 

86 vot favur l-emendar ta’ dawn il-punti,

 

72 kontra,

 

19-il astensjoni.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/130


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali”

COM(2010) 758 finali

2011/C 248/22

Relatur: is-Sinjura O'NEILL

Nhar is-16 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali

COM(2010) 758 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 2 astensjonijiet.

L-Opinjoni tal-KESE dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali torbot tajjeb mal-Istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. L-Opinjoni tenfasizza l-approċċ globali ġdid li jorbotha mill-qrib mal-inizjattivi ewlenin l-oħra u l-ħames miri ewlenin tal-UE. Hija tenfasizza wkoll il-bżonn li jkun hemm konsistenza bejn il-livell tal-UE u l-politiki nazzjonali kif ukoll l-involviment u r-rwol ewlieni tal-partijiet nongovernattivi (1).

1.   Rakkomandazzjonijiet

Il-KESE jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

Billi l-faqar jirrappreżenta ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-gvernijiet, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili għandhom jaqsmu r-responsabbiltà biex jinqered;

Għandu jkun hemm koerenza bejn il-miżuri ekonomiċi, finanzjarji, soċjali u tal-impjieg fl-Istrateġija 2020 u lkoll għandhom jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali;

Il-miżuri ta’ awsterità m’għandhomx iżidu r-riskju tal-faqar u għandha ssir u tiġi diskussa analiżi effettiva tal-impatt soċjali;

L-Istrateġija għall-Inklużjoni Attiva għandha tiġi implimentata bħala approċċ integrat sabiex ikun żgurat appoġġ adegwat għad-dħul, suq tax-xogħol inklużiv u aċċess għal impjieg u servizzi ta’ kwalità;

Għandu jkun hemm enfasi aktar qawwija fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem inklużi d-distribuzzjoni iktar ġusta tad-dħul u l-implimentazzjoni tal-klawsoli soċjali stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona;

Għandu jkun hemm enfasi akbar fuq l-investiment fil-kapital uman permezz tat-tagħlim tul il-ħajja fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-titjib fit-taħriġ tal-ħiliet li jissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u barra;

Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili fil-Pjattaforma, inklużi persuni li qed jesperjenzaw il-faqar, NGOs u msieħba soċjali, għandha tissaħħaħ permezz ta’ djalogu strutturat fil-livell tal-UE u dak nazzjonali u għandha tiġi appoġġjata mill-fondi adatti tal-UE; il-KESE għandu jkollu rwol attiv u kooperattiv f’dan id-djalogu u fil-Konvenzjoni Annwali;

Il-fondi tal-UE, b’mod partikolari l-Fondi Strutturali, immirati lejn it-tnaqqis tal-faqar, għandhom jiżdiedu u għandha tingħata enfasi lis-semplifikazzjoni tal-proċeduri, iż-żieda fit-trasparenza u l-monitoraġġ ta’ twettiq effettiv;

Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) Soċjali għandu jissaħħaħ. Dan jinkludi l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali għas-sigurtà soċjali u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll pjani ta’ azzjoni fil-livell nazzjonali u lokali. Ir-rabta tiegħu mal-inizjattiva ewlenija dwar il-faqar għandha tiġi ċċarata.

2.   Kuntest

Persuni huma meqjusa li qed jgħixu fil-faqar jekk id-dħul u r-riżorsi tagħhom tant huma inadegwati li ma jippermettulhomx li jkollhom livell tal-għajxien meqjus aċċettabbli fis-soċjetà fejn jgħixu. Minħabba l-faqar tagħhom, dawn jistgħu jesperjenzaw għadd ta’ żvantaġġi minħabba l-qgħad, dħul baxx, kundizzjonijiet ħżiena ta’ djar, kura inadegwata tas-saħħa u ostakli għal tagħlim, kultura, sport u rikreazzjoni tul il-ħajja. Ħafna drabi dawn jiġu esklużi u marġinalizzati milli jipparteċipaw f’attivitajiet (ekonomiċi, soċjali u kulturali) li għal persuni oħra huma attivitajiet tas-soltu, u jista’ jkun limitat l-aċċess tagħhom għal drittijiet fundamentali.  (2)

2.1   Aktar minn 80 miljun persuna madwar l-UE jgħixu taħt il-linja tal-faqar (3); aktar minn 50 % minn dawn huma nisa filwaqt li 20 miljun minnhom huma tfal. Filwaqt li d-data statistika dwar il-faqar materjali hija importanti, l-eżistenza tal-faqar immaterjali, bħall-analfabetiżmu, għandha tiġi rikonoxxuta wkoll. Il-kriżi ekonomika attwali laqtet l-agħar lill-membri l-aktar vulnerabbli u żvantaġġjati tal-komunitajiet tagħna.

2.2   Il-Kummissjoni tal-UE poġġiet it-tnaqqis tal-faqar fil-qalba tal-aġenda ekonomika, tax-xogħol u soċjali tagħha – l-Istrateġija Ewropa 2020 (4). Il-Kapijiet tal-Istati u l-Gvern laħqu ftehim politiku dwar mira komuni biex, fl-għaxar snin li ġejjin, tal-inqas 20 miljun ruħ jintrefgħu mill-faqar u l-esklużjoni soċjali. L-inizjattiva ewlenija tal-Pjattaforma kontra l-Faqar tagħmel parti integrali mill-istrateġija, flimkien mal-Linja gwida 10, li ser ikunu l-bażi tal-kontribut tal-Istati Membri meta jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

2.3   Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali enfasizzat il-kumplessità u l-aspetti multidimensjonali ta’ kif jiġi indirizzat il-faqar u l-ħtieġa urġenti għal azzjoni kontra l-faqar fid-dawl tal-kriżi ekonomika u l-miżuri ta’ awsterità.

2.4   Iż-żgħażagħ, il-migranti u dawk b’livell baxx ta’ ħiliet qed jiffaċċjaw qgħad li qiegħed dejjem jiggrava. Il-“ħaddiema fqar” li mhux qed ikunu jistgħu jaqilgħu paga biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum, kif ukoll persuni mdaħħla fl-età u familji bi dħul imnaqqas, qed jiffaċċjaw tiċħid materjali li jaffettwa lil 8 % tal-Ewropej. Din ir-rata titla’ sa 30 % f’uħud mill-Istati Membri (5).

2.5   Il-Kunsill Ewropew qabel li l-mira ewlenija għat-tnaqqis tal-faqar fil-kuntest tal-Istrateġija 2020 għandha tkun ibbażata fuq tliet indikaturi: ir-rata tar-riskju ta’ faqar, it-tiċħid materjali qawwi, u l-persentaġġ ta’ persuni li jgħixu f’dar b’persuni mingħajr xogħol. Il-miri għat-tnaqqis tal-faqar għandhom ikunu rilevanti għall-prijoritajiet lokali u reġjonali.

3.   Il-Pjattaforma kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali

3.1   Il-Pjattaforma proposta hija waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin għall-azzjoni fl-Istrateġija Ewropa 2020 li għandha tliet prijoritajiet biex tinkiseb rata għolja ta’ impjiegi, produttività u koeżjoni soċjali:

Tkabbir intelliġenti

Tkabbir sostenibbli

Tkabbir inklużiv.

3.2   L-għan tal-Pjattaforma huwa li jinħoloq impenn konġunt fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-partijiet interessati importanti biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali billi jiġi stabbilit “qafas għall-azzjoni dinamiku” għall-koeżjoni soċjali u territorjali sabiex jiġi żgurat li l-impjiegi, it-tkabbir u l-inklużjoni soċjali jinqasmu b’mod iktar ugwali fl-UE.

3.3   Biex jintlaħaq dan il-għan, il-Kummissjoni identifikat l-oqsma li ġejjin fejn għandha tittieħed l-azzjoni:

Twettiq ta’ azzjonijiet mifruxa fl-ispettru politiku

Użu ikbar u iktar effettiv tal-fondi tal-UE għall-appoġġ tal-inklużjoni soċjali

Promozzjoni ta’ innovazzjoni soċjali bbażata fuq l-evidenza mir-riżultati

Ħidma fi sħubija u l-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-ekonomija soċjali

Koordinazzjoni politika mtejba bejn l-Istati Membri.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-faqar mhuwiex aċċettabbli fl-Ewropa tas-seklu 21 u jirrappreżenta ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE jilqa’ l-impenn għat-tnaqqis tal-faqar u l-mira li mill-inqas 20 miljun persuna jinħarġu mill-faqar (6) flimkien mat-twaqqif tal-Pjattaforma u l-miżuri biex jitnaqqas il-faqar, li ħafna minnhom jirriflettu Opinjonijiet preċedenti tal-KESE, iżda jħeġġeġ li jittieħdu iktar azzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati l-kawżi kif ukoll il-konsegwenzi tal-faqar u li jiġu implimentati d-drittijiet tal-bniedem.

4.2   Bħalissa hemm nuqqas ta’ koerenza bejn il-politiki ekonomiċi, finanzjarji u soċjali fil-livell tal-UE u r-realtajiet esperjenzati fil-livell tal-Istati Membri. Il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ approċċ koerenti u integrat u jinsab imħasseb b’mod partikolari li l-politiki li jiffokaw fuq il-governanza ekonomika, it-tkabbir u l-impjieg fil-kuntest tal-kriżi m’għandhomx iżidu r-riskju tal-faqar. Il-KESE jappella għal analiżi effettiva tal-impatt soċjali ta’ dawn il-miżuri li għandhom jiġu diskussi bis-sħiħ.

4.3   Matul it-tħejjija tal-Opinjoni tal-KESE, tqiesu dawn l-effetti tal-faqar: il-faqar iżid l-emigrazzjoni ekonomika u soċjali u, fil-livell tad-diversi Stati Membri, jolqot ħażin ir-rendiment mill-investiment fir-riżorsi umani. Il-fqar li ma jistgħux jiddefendu l-interessi tagħhom jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni iktar żvantaġġjuża jekk huma u jitfasslu, ir-riformi ekonomiċi, fiskali, soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni intiżi biex inaqqsu l-infiq tal-Istat, ma jqisux il-ħarsien tal-fqar. Iż-żieda fl-għadd ta’ persuni li waqgħu taħt il-linja tal-faqar tista’ tagħmel iktar urġenti r-ridistribuzzjoni tal-fondi pubbliċi.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-ħarsien soċjali

5.1.1   Il-KESE jagħraf l-importanza tal-miżuri biex jiżdiedu l-impjiegi u għall-ħolqien tal-impjiegi, iżda jisħaq li huwa kruċjali li jissaħħaħ il-ħarsien soċjali u li ma jitnaqqasx l-għoti tal-għajnuna soċjali jew tiżdied il-pressjoni fuq il-pagi, b’tali mod li l-ifqar persuni jintlaqtu b’mod sproporzjonat.

5.1.2   Is-sistemi tal-ħarsien soċjali jnaqqsu r-riskju tal-faqar b’terz (7) u huma essenzjali għall-garanzija tad-drittijiet tal-bniedem. Huma jaġixxu bħala stabbilizzaturi ekonomiċi awtomatiċi li jtaffu l-effetti tal-faqar u jħeġġu l-koeżjoni ekonomika u soċjali, jippromovu t-tkabbir u huma kruċjali biex jiġi żgurat l-appoġġ tal-opinjoni pubblika għall-Proġett Ewropew (8).

5.1.3   Il-KESE jappoġġja t-tħassib tal-Kummissjoni li tiġi ggarantita s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ħarsien soċjali u l-pensjonijiet tal-Istati Membri biex jiġi żgurat dħul adegwat matul iċ-ċiklu tal-ħajja, inkluż fix-xjuħija (9).

5.2   L-istrateġiji għall-inklużjoni attiva

5.2.1   Għandu jkun hemm enfasi kontinwa u koordinata fuq strateġija integrata għall-inklużjoni attiva li tħaddan it-tliet pilastri ta’ suq tax-xogħol inklużiv, l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità u l-appoġġ adegwat għad-dħul  (10) sabiex jiġu indirizzati l-ostakli ffaċċjati minn dawk il-persuni għaddejjin mill-faqar.

5.2.2   Il-KESE jaqbel li ssir enfasi kbira kemm fuq il-prevenzjoni kif ukoll il-qerda tal-faqar permezz ta’ tkabbir sostenibbli għall-ġlieda kontra l-faqar. L-impjiegi ta’ kwalità u s-sistemi tal-ħarsien soċjali moderni u effettivi flimkien ma’ soluzzjoni għall-inugwaljanzi fid-dħul, il-ġid u l-aċċess għas-servizzi huma kruċjali. Ir-Rapport ta’ Progress Annwali tal-Kummissjoni (2011) enfasizza li “Ma jista’ jsir l-ebda tkabbir sostenibbli jekk il-benefiċċji tiegħu ma jilħqux lis-segmenti kollha tas-soċjetà” u “li t-tkabbir u l-koeżjoni soċjali jimxu id f’id” (11).

5.2.3   Filwaqt li huwa kruċjali li jiġu stabbiliti politiki fil-livell tal-UE, ir-rwol tal-Istati Membri, u b’mod partikolari tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jissaħħaħ biex jiġi żgurat li t-tibdil isir. Il-KESE jixtieq jikkoopera f’dan il-qasam mal-Kumitat tar-Reġjuni.

5.2.4   Il-KESE jenfasizza li l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, inklużi l-kooperattivi, għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fl-iżvilupp tas-suq tax-xogħol inklużiv u fil-promozzjoni ta’ tqassim iktar ġust tad-dħul bħala kontribut prinċipali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija 2020.

5.2.5   Il-KESE jappella għal enfasi iktar qawwija fuq il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u sostenibbli u għal miżuri biex jiġġieldu l-faqar tal-ħaddiema, inklużi l-pagi li jiggarantixxu l-għajxien, kundizzjonijiet tax-xogħol tajba u t-tnaqqis kemm jista’ jkun tan-nases tal-faqar fit-transizzjoni bejn is-sigurtà soċjali u x-xogħol.

5.2.6   Għandhom jittieħdu azzjonijiet speċifiċi biex jinħoloq suq tax-xogħol (12) inklużiv sabiex jingħelbu l-ostakli għall-aċċess ta’ gruppi partikolari inklużi ż-żgħażagħ u l-persuni mdaħħla fiż-żmien, il-minoritajiet etniċi inklużi r-Roma, il-migranti, in-nisa, il-ġenituri waħidhom u l-persuni b’diżabbiltà (13) bħala parti mill-Istrateġija tal-UE għall-Inklużjoni Attiva.

5.2.7   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza tax-xogħol dikjarat għal kulħadd u jinsab imħasseb dwar l-impatt tax-xogħol mhux dikjarat u tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa fuq il-finanzjament sostenibbli tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u fuq l-impjieg u d-drittijiet soċjali. Hemm bżonn ta’ azzjoni integrata fil-livell tal-UE flimkien ma’ taħlita ta’ sanzjonijiet u kontrolli effettivi, kif ukoll l-għoti ta’ inċentivi għax-xogħol dikjarat.

5.2.8   Il-KESE jappella għal pjan ta’ direzzjoni dettaljat għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-inklużjoni attiva fil-livell lokali. Huwa jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew biex il-Kummissjoni tistudja l-impatt ta’ proposta leġislattiva biex jiddaħħal livell minimu adegwat għad-dħul ta’ mill-inqas 60 % tad-dħul medjan f’kull Stat Membru.

5.2.9   Il-KESE jħeġġeġ li tinġabar data kumparabbli u indikaturi mtejba sabiex jiġu riflessi l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi tal-qerda tal-faqar kif ukoll il-konsegwenzi jekk ma tittiħidx azzjoni.

5.3   L-involviment tal-partijiet interessati

5.3.1   Il-KESE jqis l-involviment tal-partijiet interessati prinċipali fid-djalogu regolari strutturat, fil-livell tal-UE u l-livell nazzjonali, bħala ħaġa kruċjali biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi u biex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tal-programm tal-Pjattaforma.

5.3.2   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex taħdem mal-istituzzjonijiet tal-UE, mal-persuni għaddejjin mill-faqar, mal-NGOs, mal-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, mal-imsieħba soċjali u ma’ atturi oħra tas-soċjetà ċivili f’Konvenzjoni Annwali biex jiġi valutat il-progress bħala parti mid-djalogu soċjali msemmi hawn fuq, fil-livell tal-UE u l-livell nazzjonali. Dan għandu jinkludi valutazzjoni tal-impatt soċjali tal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir u tal-progress li jkun sar.

5.3.3   Il-KESE jixtieq jara tisħiħ fir-rwol li jista’ jaqdi l-Parlament tal-UE biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-programm tal-Pjattaforma fl-Istati Membri. Dan jikkonforma mal-proposti li ħarġu mill-AGORA taċ-ċittadini tal-Parlament Ewropew.

5.3.4   Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-proposta fil-Pjattaforma ewlenija għal linji gwida volontarji għall-involviment tal-partijiet interessati fil-livell tal-UE u fil-Programmi Nazzjonali tar-Riforma.

5.3.5   Il-KESE għandu jkun imsieħeb attiv fit-twettiq tal-għanijiet tal-Pjattaforma u għandu jaqdi rwol ewlieni biex jingħaqdu l-interessi tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dawn jistgħu jinkludu:

l-organizzazzjoni ta’ seduta annwali li tirrifletti fuq il-progress li jkun sar lejn il-mira relatata mal-faqar;

il-kontribut għar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu fl-2014 fil-kuntest tal-Ewropa 2020;

il-kontribut għall-Konvenzjoni Annwali;

il-parteċipazzjoni fi djalogu regolari ma’ partijiet interessati oħrajn, inkluż il-Kumitat tar-Reġjuni, il-KES nazzjonali u t-tħejjija ta’ opinjonijiet dwar prijoritajiet ewlenin.

5.4   Nindirizzaw l-inugwaljanzi

5.4.1   Il-KESE jilqa’ l-enfasi li saret fuq ħidmet il-Pjattaform fl-antidiskriminazzjoni, l-ugwaljanza u l-integrazzjoni biex tiġi żgurata l-inklużjoni tal-persuni b’diżabbiltà jew bi problemi ta’ saħħa mentali, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-persuni mill-kommunitajiet migranti, inklużi r-Roma u l-iżvilupp tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa (14). Il-KESE jenfasizza l-bżonn li tiddaħħal referenza trasversali għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u għal proposti konkreti biex jiġu implimentati l-klawsoli soċjali orizzontali fl-Artikoli 5, 8, 9 u 10 tat-TFUE.

5.4.2   Il-KESE jappoġġja l-prijorità li ngħatat lill-ġlieda kontra l-esklużjoni mid-djar u l-problema tal-persuni mingħajr dar kif ukoll il-faqar tal-enerġija u l-esklużjoni finanzjarja. Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jiġi promoss l-aċċess affordabbli għas-servizzi ta’ kwalità, inkluż l-IT. Dawn iridu jiġu żviluppati permezz ta’ Strateġiji Nazzjonali għall-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali bħala parti minn MMK Soċjali mtejjeb.

5.4.3   Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li jsir investiment fil-kapital uman u jenfasizza kemm huma importanti l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħiliet fl-impjieg, l-iżvilupp personali u l-inklużjoni soċjali. Dan għandu jkopri l-ewwel snin tal-ħajja, l-iskola, l-edukazzjoni avvanzata, vokazzjonali u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol bħala parti mill-impenn għat-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd.

5.4.4   Ir-rapporti tal-OECD u l-Kummissjoni jenfasizzaw l-inugwaljanzi dejjem ikbar fit-tqassim tad-dħul u l-ġid, kif ukoll in-nuqqas ta’ ugwaljanza fl-aċċess għas-servizzi, inkluża s-saħħa, fl-Istati Membri u bejniethom. Barra minn hekk, il-faqar huwa wieħed mill-influwenzi soċjali prinċipali tas-saħħa dgħajfa u l-politika tal-UE għandha turi obbligu morali li ssalva l-ħajja. Hemm evidenza konvinċenti li tenfasizza li s-soċjetajiet iktar ugwali kważi dejjem imorru aħjar. Il-Pjattaforma għandha tagħti prijorità li jiġu żviluppati strateġiji integrati u miżuri konkreti biex jitnaqqas id-distakk b’tali mod li tinħoloq soċjetà iktar ġusta (15).

5.4.5   Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tinħoloq rakkomandazzjoni komprensiva dwar il-faqar tat-tfal li għandha tikkontribwixxi għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-faqar tat-tfal billi jiġi żgurat dħul adegwat għall-familja, l-investiment fil-kura u l-edukazzjoni, b’mod partikolari matul l-ewwel snin u l-għoti tas-setgħa lit-tfal, b’konformità mad-drittijiet fundamentali u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Dan għandu jiġi żviluppat fl-istess ħin ma’ approċċ koerenti lejn il-politika tal-familja. Il-monitoraġġ, l-iskambju, ir-riċerka u r-reviżjonijiet mill-pari kontinwi għandhom jiġu inklużi bħala kontribut biex jintlaħaq l-għan marbut mal-faqar tal-UE 2020 (16).

5.5   Nużaw il-fondi tal-UE biex inwettqu l-għanijiet tal-inklużjoni soċjali u l-koeżjoni

5.5.1   Il-KESE bi pjaċir kbir jilqa’ l-proposti sabiex il-Fondi Strutturali jintużaw b’mod iktar effettiv biex jitnaqqas il-faqar u tiġi promossa l-koeżjoni soċjali iżda jenfasizza l-bżonn li jiżdied l-ammont ta’ finanzjament disponibbli, b’mod partikolari għall-komunitajiet deprivati. Hija ħaġa kruċjali li jsir investiment f’impjiegi ta’ kwalità u f’approċċi effettivi biex jiġi appoġġjat l-aċċess tal-gruppi esklużi, inkluż permezz tal-ekonomija soċjali. Il-finanzjament għandu jippermetti wkoll aċċess imtejjeb għas-servizzi ta’ kwalità, inklużi d-djar.

5.5.2   Il-KESE jilqa’ l-proposti biex jiġi semplifikat l-aċċess għall-Fondi Strutturali għall-organizzazzjonijiet lokali, b’mod partikolari permezz tal-għotjiet globali u l-assistenza teknika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, iżda jenfasizza l-bzonn li:

titnaqqas il-burokrazija billi l-proċeduri tal-aċċess għall-finanzjament isiru iktar flessibbli;

jiġu stabbiliti standards Ewropej għat-titjib tat-trasparenza u l-effiċjenza tal-proċeduri, inkluż l-informazzjoni semplifikata (17).

Il-Kummissjoni għandha tkun ta’ gwida, tippromovi t-tagħlim reċiproku u timmonitorja t-twettiq u b’mod partikolari tieħu t-tagħlimiet mill-użu tal-Fondi Strutturali matul il-kriżi.

5.5.3   Il-KESE jipproponi li l-programmi tal-UE, bħal PROGRESS, jintużaw biex jiffinanzjaw l-iżvilupp ta’ pjattaformi nazzjonali biex jippermettu l-involviment effettiv tal-partijiet interessati fil-Pjattaforma Ewropea u jittejjeb it-twettiq tal-prijoritajiet tiegħu.

5.6   L-innovazzjoni soċjali u r-riformi

5.6.1   Il-KESE jilqa’ r-rikonoxximent li qed jingħata lir-rwol tal-ekonomija soċjali u l-NGOs fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji biex jiġi indirizzat il-faqar, biex jitħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi u biex jiġu żviluppati s-servizzi li b’mod kreattiv jindirizzaw il-bżonnijiet tal-komunità. Huwa jissottolinja wkoll ir-responsabbiltà konġunta tal-atturi kollha li jaħdmu id f’id biex jiżviluppaw soluzzjonijiet effettivi, inklużi l-SMEs u l-intraprendituri.

5.6.2   Il-volontarjat jaqdi rwol b’saħħtu fl-iżvilupp tal-komunitajiet, fl-akkwist tal-ħiliet, fil-provvista tal-edukazzjoni, kemm informali u kemm nonformali u fl-għoti tas-setgħa lill-individwi. Il-KESE jinsab entużjast li jippromovi l-benefiċċji tal-volontarjat sakemm dan ma jfixkilx ix-xogħol imħallas jew is-servizzi pubbliċi.

5.6.3   Il-KESE jilqa’ ż-żieda fl-appoġġ għall-innovazzjoni soċjali bbażata fuq l-evidenza tar-riżultati iżda jenfasizza l-importanza li tinżamm il-prattika tajba eżistenti u li tintuża bħala sisien u jappella li l-finanzjament jitkompla.

5.7   Koordinazzjoni Politika Mtejba

5.7.1   Il-Pjani Nazzjonali ta’ Riforma u t-twaqqif ta’ miri nazzjonali huma element ewlieni fl-applikazzjoni mifruxa tal-Istrateġija 2020 u fit-twettiq tal-politiki biex jitnaqqsu l-kwistjonijiet marbuta mal-faqar. Madankollu, huwa essenzjali li dan il-proċess ikun abbinat ma’ Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) Soċjali, ibbażat fuq strateġiji nazzjonali integrati biex tiġi provduta bażi iktar b’saħħitha għall-ksib tal-għanijiet soċjali meħtieġa u biex tiġi ċċarata r-rabta tiegħu mal-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar.

5.7.2   Fl-opinjoni tiegħu dwar l-MMK u l-Klawsola Soċjali, il-KESE laqa’ l-klawsola soċjali orizzontali, il-valutazzjoni tal-impatt soċjali u l-MMK Soċjali mtejjeb bħala għodod biex jiġi żgurat approċċ integrat u għall-integrazzjoni tal-għanijiet soċjali. Il-KESE jappella biex dan il-progress isir iktar viżibbli u trasparenti bl-involviment tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati ewlenin u jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati strateġiji għall-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Sentenza miżjuda fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-KESE għall-Istrateġija Ewropa 2020.

(2)  (Rapport Konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew għall-Inklużjoni Soċjali, Marzu 2004).

(3)  Il-livell limitu tar-riskju tal-faqar huwa ta’ 60 % tal-introjtu disponibbli nazzjonali ekwivalizzat medjan wara t-trasferiment soċjali speċifiku għal kull Stat Membru.

(4)  Aġġornament għall-2010 tal-Valutazzjoni Konġunta mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni Ewropea tal-impatt soċjali tal-kriżi ekonomika u tar-reazzjonijiet ta’ politika (Nov 2010). COM(2010) 2020 – Ewropa 2020 - Strateġija ġdida għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

(5)  It-tiċħid materjali huwa definit bħala dak fejn persuna tkun imċaħħda minn tal-inqas erba’ affarijiet minn disgħa. Dawn huma persuni li ma jistgħux iħallsu: il-kera jew il-kontijiet tas-servizzi bażiċi, biex iżommu d-djar tagħhom adegwatement sħan, spejjeż mhux previsti, biex jieklu laħam, ħut, jew l-ekwivalenti għal dawn fir-rigward ta’ proteini darba iva u oħra le, għal vaganza ta’ ġimgħa ’l bogħod mid-dar darba f’sena, biex jixtru karozza, biex jixtru magna tal-ħasil, biex jixtru televixin bil-kulur, jew telefown.

(6)  Ara l-istqarrija tal-KESE lill-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 2010.

(7)  SPC Report on Social Assessment of Europe 2020 (Frar 2011)

(8)  ĠU C 132/26, 03.05.2011

(9)  ĠU C 84/38, 17.03.2011

(10)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol (2008.867/KE)

(11)  Ara r-Rapport ta’ Progress dwar l-Ewropa 2020 (Anness 1 tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir COM(2011) 11 - A1/2, punt 2.5.

(12)  ETUC/Business Europe et al: Ftehim qafas dwar is-swieq tax-xogħol inklużivi (Marzu 2010)

(13)  ĠU C 21/66, 21.01.2011

(14)  Ara l-messaġġ tal-KESE lill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2010 fejn jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

(15)  OECD (2008): Growing unequal: income distribution and poverty in OECD countries. Kummissjoni tal-UE, DĠ Riċerka 2010, Why socio-economic inequalities increase: facts and policy papers in Europe EUR 24 471.

(16)  ĠU C 44/34, 11.02.2011

(17)  ĠU C 132/8, 03.05.2011


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/135


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni”

COM(2011) 248 finali

2011/C 248/23

Relatur Ġenerali: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Nhar l-4 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni

COM(2011) 248 finali.

Nhar l-14 ta’ Ġunju 2011, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju) li jaħtar lis-Sur PARIZA CASTAÑOS bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'109 voti favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1   Il-Kunsill Ewropew qed jipprevedi li jiddiskuti xi aspetti tal-politika komuni dwar l-immigrazzjoni matul il-laqgħa ta’ Ġunju. Il-President Van Rompuy ippropona li l-ħidma tkun iffokata fuq:

il-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-UE;

ir-regoli tal-asil;

l-iżvilupp ta’ sħubija mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u l-kontroll tal-fruntieri esterni.

1.2   Fl-4 ta’ Mejju l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni (1) bħala kontribut għal-laqgħa tal-Kunsill.

2.   Kummenti ġenerali

2.1   Permezz ta’ diversi opinjonijiet (ara l-Appendiċi), il-KESE kkollabora mal-istituzzjonijiet l-oħra sabiex l-UE jkollha politika u leġislazzjoni komuni dwar l-asil u l-immigrazzjoni. Minkejja l-progress li sar, is-sitwazzjoni mhix sodisfaċenti. L-adozzjoni tal-leġislazzjoni komuni dwar l-ammissjoni tal-immigranti u dwar l-akkoljenza ta’ persuni li jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali qed tiffaċċja diffikultà kbira fil-Kunsill u fil-Parlament.

2.2   Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandu jkollha approċċ globali li jqis diversi aspetti, bħas-sitwazzjoni demografika u s-swieq tax-xogħol, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni, il-leġislazzjoni dwar l-ammissjoni ta’ immigranti ġodda, l-akkoljenza u l-protezzjoni ta’ dawk li jfittxu asil, il-ġlieda kontra n-netwerks kriminali tat-traffikar illegali tal-bnedmin, il-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi, is-solidarjetà Ewropea, il-politika soċjali u l-integrazzjoni.

2.3   Matul l-aħħar xhur kien hemm avvenimenti, dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet li dwarhom il-Kumitat huwa mħasseb ħafna, għaliex qed tinfirex fostna lkoll marda antika u magħrufa sew tal-Ewropej: il-ksenofobija u n-nazzjonaliżmu esklużiv. Il-minoranzi u l-immigranti qed jisfaw vittmi ta’ disprezz, tgħajjir u politiki aggressivi u diskriminatorji.

2.4   Snin ilu l-ksenofobija u l-populiżmu kienu promossi minn xi setturi politiċi estremisti, iżda minoritarji. Però llum dawn il-politiki jagħmlu parti mill-aġenda u mill-programmi ta’ diversi gvernijiet Ewropej li jużaw il-politiki kontra l-immigranti u kontra l-minoranzi bħala arma elettorali. Il-KESE jittama li l-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju jevita li l-aġenda Ewropea tkun imniġġsa bil-ksenofobija u l-populiżmu.

2.5   Fl-aħħar ġimgħat rajna sitwazzjonijiet inaċċetabbli u nħolqot kriżi politika serja fl-Ewropa minħabba żieda moderata fin-numru ta’ immigranti li waslu fil-Mediterran. Fi żminijiet oħra, meta waslu ħafna aktar persuni li kienu qed jaħarbu mill-gwerra u l-miżerja, l-Ewropa aġixxiet b'mod solidali, iggarantixxiet il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u saħħet il-valuri tal-integrazzjoni Ewropea.

2.6   Fil-fehma tal-Kumitat u tal-biċċa l-kbira tal-Ewropej, il-ħolqien taż-żona Schengen huwa wieħed mill-aktar avvanzi importanti tal-integrazzjoni Ewropea. Madankollu, xi Stati Membri qed jistabbilixxu kontrolli fil-fruntieri interni tal-Ewropa li jmorru kontra t-Trattat.

2.7   Il-KESE huwa allarmat għaliex kriżi migratorja żgħira ta’ persuni li jeħtieġu l-protezzjoni qed tixħet dubju fuq is-solidità tal-valuri ta’ xi kapijiet ta’ Stat u tal-UE stess.

2.8   Il-Kumitat jixtieq jagħmel appell biex id-diskorsi politiċi jkunu moderati u biex jerġgħu jinkisbu l-bilanċ u r-rispett tal-prinċipji tad-demokrazija u ta’ soċjetajiet ħielsa u miftuħa. Il-gvernijiet Ewropej għandhom jiftakru li l-integrazzjoni tal-immigranti hija proċess bidirezzjonali li jimplika wkoll impenn min-naħa tas-soċjetajiet Ewropej ta’ akkoljenza, li jridu jadottaw attitudni inklużiva. Soċjetà li taċċetta li l-mexxejja politiċi tagħha jużaw il-populiżmu u l-ksenofobija kontra l-immigranti u l-minoranzi fil-kampanji elettorali u fid-deċiżjonijiet politiċi mhix waħda inklużiva.

2.9   L-Ewropa għandha bżonn viżjoni għal perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-Presidenza Belġjana tal-UE talbet lill-KESE jħejji opinjoni esploratorja (2) dwar ir-rwol tal-immigrazzjoni fis-sitwazzjoni demografika tal-Ewropa. Il-konklużjonijiet kienu ċari: fis-snin li ġejjin għandha tiżdied il-mobilità tal-ħaddiema fl-UE u għandha tiżdied ukoll l-immigrazzjoni tal-ħaddiema u l-familji tagħhom li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi. Din l-istampa twissina dwar sfidi ġodda marbutin mal-ġestjoni ta’ diversità akbar fl-intrapriżi u fil-bliet. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta minnufih l-Aġenda Ewropea l-ġdida għall-Integrazzjoni, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-ħidma tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni.

2.10   L-avvenimenti reċenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran u d-dibattiti u l-kunflitti fl-Unjoni joffru l-opportunità sabiex jissaħħu l-valuri u l-prinċipji tal-UE u r-regoli komuni eżistenti u sabiex tiġi żgurata “aktar Ewropa” fil-politiki Ewropej dwar il-fruntieri, il-moviment liberu, l-asil u l-immigrazzjoni.

3.   Kummenti speċifiċi

3.1   Moviment liberu tal-persuni – fruntieri interni

3.1.1   Il-KESE jemmen li l-moviment liberu tal-persuni huwa prinċipju u dritt fundamentali fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u wieħed mill-pilastri essenzjali li fuqhom tissejjes iż-żona tal-libertà, sigurtà u ġustizzja. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li hemm bżonn tiġi żviluppata sistema aktar ċara u soda għall-governanza tax-Schengen bis-saħħa ta’ sistema Ewropea indipendenti u oġġettiva li tevalwa l-applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri mill-Istati Membri. Din is-sistema għandha tkun immexxija u kkoordinata mill-Kummissjoni u għandha tibbenefika mill-kontribut ta’ esperti esterni.

3.1.2   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligi li jimponilhom il-Kodiċi tal-Fruntieri meta jerġgħu jintroduċu kontrolli temporanji fil-fruntieri interni minħabba każijiet eċċezzjonali fejn il-kunsiderazzjonijiet tal-ordni pubbliku jesiġu azzjoni immedjata, b'mod partikolari l-obbligu li jinfurmaw minn qabel lill-Kummissjoni kif ukoll ir-rispett tal-garanziji proċedurali (ġustifikazzjoni tar-raġunijiet) previsti fil-Kodiċi u tal-prinċipji tal-proporzjonalità, is-solidarjetà u l-fiduċja reċiproka.

3.1.3   Il-Kumitat jaċċetta li jinħoloq mekkaniżmu fil-livell Ewropew biex jerġgħu jiġu introdotti b'mod koordinat il-kontrolli fil-fruntieri interni f'każ ta’ “sitwazzjonijiet verament kritiċi” jew meta l-fruntieri esterni jiffaċċjaw pressjonijiet migratorji qawwijin li ma jkunux mistennija. In-negozjar ta’ dan il-mekkaniżmu fil-Kunsill m'għandux joffri l-possibbiltà li l-gvernijiet jerġgħu jinnegozjaw u/jew jimmodifikaw il-garanziji proċedurali komuni previsti fil-Kodiċi ta’ Schengen b'mod li jnaqqsuhom.

3.1.4   Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Parlament Ewropew li l-Kummissjoni tfassal mekkaniżmu ġdid ta’ ksur (mekkaniżmu li jidentifika minn kmieni l-possibbiltajiet li jinkisru d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-UE) li l-funzjoni prinċipali tiegħu tkun li jissospendi l-miżuri adottati mill-Istati Membri fil-qafas tal-liġi Ewropea li jiksru d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-individwu sakemm tiġi determinata l-legalità tagħhom permezz ta’ proċedura aċċellerata fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu (3).

3.2   Fruntieri esterni

3.2.1   L-Unjoni Ewropea għandha bżonn politika tal-fruntieri esterni li tkun kredibbli, effikaċi, leġittima u soġġetta għal kontrolli demokratiċi b'saħħithom u evalwazzjonijiet indipendenti. Il-Kumitat jappella lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jilħqu ftehim dwar il-proposta tal-Kummissjoni ta’ Frar 2010 għat-tisħiħ tar-Regolament Frontex.

3.2.2   Il-KESE jemmen li l-Istati Membri għandhom jagħtu aktar kompetenzi operattivi u awtonomija akbar lill-Frontex f'termini ta’ attivitajiet u riżorsi (tagħmir tekniku). Madankollu, l-operazzjonijiet konġunti koordinati mill-Aġenzija (u r-riperkussjonijiet tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali u l-garanziji amministrattivi previsti fil-Kodiċi tal-Fruntieri) għandu jsirilhom kontroll demokratiku min-naħa tal-Parlament u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA). Flimkien ma’ dan għandha ssir evalwazzjoni kostanti, speċjalment tal-attivitajiet u l-ftehimiet tal-Frontex ma’ pajjiżi terzi, tal-effikaċja tal-operazzjonijiet konġunti u tal-kwalità tal-analiżijiet tar-riskji li twettaq il-Frontex.

3.2.3   Il-KESE jaħseb li hu essenzjali li l-Frontex tissodisfa l-obbligi tagħha dwar l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, bħal pereżempju l-prinċipju ta’ non-refoulement, il-kontroll indipendenti tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-iżvilupp ta’ kodiċi etiku tal-kondotta f'każijiet ta’ ritorn sfurzat.

3.2.4   Il-Kumitat jaqbel ukoll li fil-futur għandu jiġi żviluppat servizz Ewropew ta’ għassa tal-fruntieri li jkun magħmul minn kontinġent Ewropew ta’ għassiesa tal-fruntieri li, fil-futur, jikkostitwixxi amministrazzjoni Ewropea ċentralizzata. Il-funzjoni prinċipali tiegħu tkun l-applikazzjoni tar-regoli komuni previsti fil-Kodiċi tal-Fruntieri.

3.3   Immigrazzjoni għax-xogħol

3.3.1   L-UE għandha tagħti impuls politiku lill-politika komuni dwar l-immigrazzjoni legali u tiffaċilita l-mobilità u t-trattament ġust taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu fl-Ewropa għal raġunijiet ta’ xogħol. F'diversi Stati Membri, speċjalment f'ċerti setturi u kategoriji professjonali, l-intrapriżi għandhom bżonn idaħħlu ħaddiema immigranti ġodda fuq il-bażi tat-talenti u l-kwalifiki. L-Unjoni għandu jkollha qafas legali komuni f'livell Ewropew dwar l-immigrazzjoni għax-xogħol, liema qafas għandu jkun koerenti, globali, orizzontali u ggwidat mir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, it-trattament indaqs u l-ħtiġijiet tal-intrapriżi.

3.3.2   Il-Kumitat diġà ħejja opinjonijiet fuq id-direttiva dwar il-ħaddiema staġjonali, dwar il-ħaddiema spostati, dwar il-ħaddiema bi kwalifiki għoljin u dwar ir-riċerkaturi. L-UE għandha tinkludi talenti ġodda li huma meħtieġa għal ekonomija dinamika, innovattiva u kompetittiva; dan għandu jsir f'kollaborazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini biex jiġi evitat l-eżodu tal-imħuħ (brain drain).

3.3.3   Il-KESE jemmen li hu urġenti li jintlaħaq ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fuq id-direttiva dwar ġabra komuni ta’ drittijiet u permess uniku (4). Għandhom jitneħħew id-differenzi li jeżistu bejn id-drittijiet ta’ kategoriji differenti ta’ ħaddiema ta’ pajjiżi terzi fil-livell tal-UE. Il-qafas legali komuni attwali huwa kkaratterizzat minn approċċ settorjali li jinkoraġġixxi t-trattament differenti u diskriminatorju bejn kategoriji differenti ta’ ħaddiema immigranti fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza u tad-drittijiet.

3.3.4   Il-KESE jilqa' l-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li fl-2013 tippreżenta kodiċi komuni dwar l-immigrazzjoni. Dan il-kodiċi għandu jikkonsolida l-leġislazzjoni permezz ta’ qafas uniformi u trasparenti ta’ drittijiet, garanziji u dmirijiet tal-immigranti. Il-kodiċi għandu jkun ispirat mill-prinċipji tal-ugwaljanza u tat-trattament ġust. L-UE għandha tippromovi b'mod aktar attiv it-traspożizzjoni min-naħa tal-Istati Membri tal-konvenzjonijiet u t-trattati internazzjonali u Ewropej li jiġu adottati f'organizzazzjonijiet bħan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-ILO.

3.4   Djalogu u sħubijiet tal-mobilità ma’ pajjiżi terzi

3.4.1   Il-KESE jappoġġja l-linji ġenerali ppreżentati mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha intitolata “Djalogu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u s-sigurtà mal-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran” (5). L-UE għandha tkompli tiżviluppa approċċ globali għall-migrazzjoni, filwaqt li tingħata prijorità lill-iffaċilitar tal-kanali legali tal-migrazzjoni u tal-mobilità.

3.4.2   Il-KESE jilqa' l-inizjattiva li jiġu stabbiliti sħubijiet tal-mobilità bejn l-UE u t-Tuneżija, l-Eġittu u l-Libja. Madankollu, hemm bżonn li jsir studju indipendenti dwar l-effikaċja u l-impatt tas-sħubijiet tal-mobilità li jeżistu bħalissa. Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiżgura li s-sħubijiet tal-mobilità jkollhom mekkaniżmu effiċjenti ta’ evalwazzjoni. Mill-banda l-oħra, is-sħubijiet tal-mobilità, li huma dikjarazzjonijiet politiċi konġunti li mhumiex legalment vinkolanti għall-Istati parteċipanti, għandhom isiru ftehimiet internazzjonali.

4.   Protezzjoni internazzjonali

4.1   Il-KESE jittama li fl-2012 il-Kunsill u l-Parlament Ewropew japprovaw il-leġislazzjoni komuni li jonqos sabiex tinħoloq sistema komuni tal-asil.

4.2   Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen li jeħtieġ tittejjeb is-solidarjetà bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-akkoljenza ta’ persuni li jiġu fl-Ewropa u li jkollhom bżonn protezzjoni internazzjonali. Jissuġġerixxi wkoll li l-UE tkun tista' toffri programmi ta’ risistemazzjoni hekk kif ipproponiet il-Kummissjoni.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 248 finali.

(2)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 6/13.

(3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 2010 dwar il-qagħda tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2009) – Implimentazzjoni effikaċi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (2009/2161(INI)) – P7_TA(2010)0483, punt 39.

(4)  COM(2007) 638 finali.

(5)  COM(2011) 292 finali.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/138


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi”

COM(2010) 781finali – 2010/0377 (COD)

2011/C 248/24

Relatur: is-Sur SEARS

Nhar l-24 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi

COM(2010) 781 finali – 2010/0377(COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Mejju 2011. Ir-relatur kien is-Sur SEARS.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju (seduta tal-15 ta’ Ġunju 2011), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta din l-Opinjoni b’146 voti favur, 6 voti kontra u l-ebda astensjoni.

1.   Sinteżi u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE b’mod konsistenti dejjem appoġġja l-proposti tal-Kummissjoni għal leġislazzjoni li għandha l-għan li tnaqqas kemm il-frekwenza kif ukoll l-impatt potenzjali ta’ perikli ta’ inċidenti kbar. Billi l-ambitu ta’ dawn id-Direttivi jiddependi b’mod kritiku fuq leġislazzjoni oħra tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni u t-tikettar ta’ sustanzi perikolużi, il-KESE jaqbel li issa hija meħtieġa Direttiva ġdida wara l-bidliet li saru bl-adozzjoni reċenti tas-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikettar (GHS) li ġiet żviluppata u proposta min-NU. Id-diffikultajiet ta’ dan, u l-għadd żgħir ta’ benefiċċji antiċipati barra mill-iffaċilitar tal-kummerċ dinji, huma rikonoxxuti u ġew diskussi fit-tul f’Opinjoni preċedenti (1).

1.2

Il-KESE jaqbel kompletament ukoll mal-fehma ddikjarata tal-Kummissjoni u tal-maġġoranza tal-partijiet interessati, li mhumiex meħtieġa bidliet sinifikanti oħra – u tabilħaqq li dawn il-bidliet għandhom jinżammu fuq livell minimu sabiex ma tintilifx l-enfasi fuq l-objettivi ewlenin ta’ din il-leġislazzjoni li ilha li ġiet stabbilita, u li hija effettiva u għandha appoġġ qawwi.

1.3

Għaldaqstant il-KESE jemmen li għandu jsir kull sforz biex issir evalwazzjoni b’mod kritiku, jekk ikun hemm bżonn skont il-prodott individwali, ikunu jew ma jkunux relevanti l-bidliet fil-klassifikazzjoni għall-possibilità li jiġri inċident kbir. Jekk ma jkunux, u/jew iżidu b’mod sinifikanti l-għadd ta’ stabbilimenti iżgħar, b’inqas riskju, u l-SMEs li jiġu affettwati, mela mbagħad għandha ssir attenzjoni biex ma jitnaqqasx l-impatt tal-proposta. Dan huwa minnu b’mod partikolari fis-settur tad-deterġenti fejn il-klassifikazzjonijiet il-ġodda ftit li xejn għandhom rabta mal-esperjenza reali ta’ prodotti tad-dar li jintużaw kuljum b’mod regolari. F’dawn il-każijiet, il-limiti tat-tunnellaġġ għandhom jitqiesu b’kawtela, b’mod partikolari fejn il-possibilitajiet ta’ nar jew splużjoni huma ftit ħafna, u fejn il-prodotti huma f’pakketti iżgħar għall-bejgħ fil-ħwienet.

1.4

Meta materja prima, materjal intermedju u prodotti aħħarija huma soġġetti għal iktar minn biċċa leġislazzjoni waħda, kollha qed jiġu riveduti skont skedi differenti, wieħed irid joqgħod attent għall-perjodi ta’ transizzjoni li jidħlu f’xulxin sabiex ikun żgurat li l-ispejjeż globali għall-operaturi u għall-Istati Membri jkunu minimizzati u titnaqqas kemm jista’ jkun il-konfużjoni għal kull min huwa kkonċernat.

1.5

Billi l-opinjoni ġenerali tal-awtoritajiet kompetenti tidher li hija li ħafna mill-istabbilimenti l-iktar importanti diġà huma inklużi taħt din il-leġislazzjoni, għandu jsir kull sforz sabiex jitjiebu l-effiċjenza u effikaċja tal-kontrolli u r-rappurtaġġ sussegwenti fuq dawn l-istabbilimenti u, fejn huwa adatt, fuq siti biswithom. Kemm jista’ jkun dan m’għandux jistrieħ biss fuq żieda fid-domanda għal informazzjoni li tinġabar mill-Istati Membri u tingħata lill-Kummissjoni. Il-KESE jinnota li s-sistema kif inhi strutturata bħalissa bilkemm taqdi l-funzjoni tagħha, u jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tilħaq qbil dwar tibdil mal-Istati Membri, billi tiddipendi fuq il-kontributi miftuħa u f’waqthom tagħhom. Il-bidliet proposti għal-lista ta’ prodotti u stabbilimenti affettwata għandhom ikomplu jiġu analizzati mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u l-korpi konsultattivi tal-UE qabel l-adozzjoni.

1.6

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti, komprensibbli u f’waqtha lill-pubbliku ġenerali. Ser ikun hemm ħtieġa kontinwa għal informazzjoni fuq karta stampata (hard copy), għalkemm mezzi elettroniċi oħrajn, inklużi netwerks soċjali, ser jintużaw dejjem iżjed, b’mod speċjali fil-livell lokali. L-organizzazzjonijiet kollha li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili fil-viċinità ta’ stabbiliment “Seveso” (jew kwalunkwe stabbiliment ta’ manifattura jew ħżin) għandhom rwoli x’jaqdu kemm biex jaraw li jiġu evitati, kif ukoll biex ikun hemm azzjoni ta’ rispons għal inċidenti ta’ kull tip, inklużi emerġenzi kbar kif definiti fid-Direttiva Seveso.

1.7

Proposti ġodda relatati ma’ “ġustizzja ambjentali” huma rilevanti biss jekk tkun tista’ tintwera l-“inġustizzja ambjentali” fir-rigward ta’ perikli ta’ inċidenti kbar. Meta wieħed iqis il-frekwenza baxxa ta’ inċidenti rrappurtati taħt din id-Direttiva, b’mod partikolari għal stabbilimenti tal-livell ta’ taħt, diffiċli li wieħed jiġġustifika dan il-punt. Kull informazzjoni li tiġi pprovduta għandha tkun disponibbli għall-elementi kollha tas-soċjetà ċivili organizzata. Għaldaqstant il-KESE jemmen li dan ir-rekwiżit għandu jinbidel b’approċċ iktar modern u bi qbil iktar wiesa’ għall-ġestjoni tal-informazzjoni dwar is-sikurezza, b’appoġġ adatt mill-evidenza u l-analiżi tal-impatt meħtieġa.

1.8

Il-KESE jinnota li l-UE għadha ma laħqitx mal-Istati Uniti fl-għarfien u l-ippremjar ta’ prattika tajba, b’mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza tal-proċessi u tal-individwi, u jemmen li dan ikollu riżultati aħjar minn uħud mill-miżuri proposti hawnhekk.

1.9

Għalhekk il-KESE jappoġġja din il-proposta iżda jissuġġerixxi li wħud mill-punti jiġu riveduti sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi fit-tul u stabbiliti tajjeb ta’ din il-leġislazzjoni sabiex jitnaqqsu l-frekwenza u l-impatt ta’ perikli ta’ inċidenti kbar.

2.   Daħla

2.1

Il-ħtieġa tal-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ (CLP – Classify, label and package) ta’ “sustanzi” – fil-bidu, talinqas, lista limitata ta’ elementi u l-komposti tagħhom – li huma definiti bħala “perikolużi” fuq varjetà ta’ livelli li jaffettwaw is-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent tal-bniedem, ġiet rikonoxxuta iktar minn 40 sena ilu fid-Direttiva dwar Sustanzi Perikolużi (67/548/KEE). Ftit iktar minn 20 sena wara, din ġiet estiża biex tkopri “preparazzjonijiet” – lista ferm usa’ u potenzjalment bla tmiem ta’ taħlitiet ta’ tnejn jew iktar sustanzi li jiġu prodotti b’mod intenzjonat fi proporzjonijiet li jvarjaw iżda definiti – fid-Direttiva dwar il-Preparazzjonijiet Perikolużi (88/379/KEE).

2.2

Dawn iż-żewġ Direttivi u l-ħafna Direttivi li jemendawhom u l-adattamenti tagħhom għall-progress tekniku huma s-sinsla għal sistema armonizzata ta’ ħarsien tal-ħaddiema, il-konsumaturi, il-manifatturi, il-kummerċjanti, id-distributuri u l-ambjent. Jiżguraw ukoll Suq Uniku madwar l-UE għall-prodotti li huma affettwati, inklużi l-materja prima, il-flussi intermedji u ta’ skart, u l-prodotti kompleti li jitqiegħdu fis-suq. Barra minn hekk, id-Direttivi huma marbuta sew u jikkontribwixxu għal prattikament il-leġislazzjoni l-oħra kollha tal-UE li għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza u l-ambjent. Kull tibdil f’din is-sistema bażika għaldaqstant aktarx se jkun kumpless u jqum ħafna flus għal kull min huwa involut.

2.3

Fis-snin riċenti saru żewġ bidliet ta’ din in-natura. Fl-2006 l-Kunsill adotta r-Regolament (KE) 1907/2006 dwar “ir-Reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi”, (REACH), flimkien mad-Direttiva 2006/121/KE li akkumpanjatu li emendat id-Direttiva 67/548/KEE u allinjat dawn iż-żewġ biċċiet ta’ leġislazzjoni ewlenin. Fl-2008 l-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw ir-Regolament (KE) 1272/2008 biex tiġi implimentata sistema globalment armonizzata (GHS) tal-klassifikazzjoni u l-ittikettar ta’ sustanzi kimiċi, żviluppata wara ħafna snin ta’ ħidma min-Nazzjonijiet Uniti. Dan għandu jwassal għal ħafna każijiet ta’ tibdil fl-ismijiet, is-simboli u l-frażijiet standard attribwiti għal perikli varji u għal “sustanzi” u “taħlitiet” ikklassifikati. Ir-riskji reali għal ħaddiema, distributuri, konsumaturi u l-pubbliku ġenerali minn prodott jew proċess speċifiku naturalment jibqgħu l-istess.

2.4

Kien rikonoxxut dak iż-żmien li aktarx il-benefiċċji tal-bdil ta’ sistema stabbilita tajjeb u li taħdem sew u b’mod effiċjenti b’oħra, kienu se jkunu ftit, bil-potenzjal li t-tnaqqis fl-ispejjeż fil-kummerċ internazzjonali jwassal għal reazzjoni bil-kontra ta’ żieda fl-ispejjeż regolatorji u ta’ konformità fl-UE. Il-problemi tekniċi li jinqalgħu bl-introduzzjoni ta’ klassifikazzjonijiet u punti aħħarin ġodda jistgħu jkunu konsiderevoli, u jwasslu għal żieda fl-ispejjeż ta’ riformulazzjoni jew tibdil fil-firxa ta’ prodotti disponibbli għall-konsumaturi – u b’potenzjal konsiderevoli għal konfużjoni kemm matul il-perjodi ta’ transizzjoni kif ukoll warajhom, għal kull biċċa leġislazzjoni affettwata.

2.5

Dawn il-problemi issa huma evidenti, u sa ċertu punt huma indirizzati, fil-proposta tal-Kummissjoni COM(2010) 781 finali, magħrufa wkoll bħala Seveso III, għal Direttiva li tieħu post il-leġislazzjoni attwali dwar il-kontroll ta’ “perikli ta’ inċidenti kbar”, speċifikament dawk li jinvolvu “sustanzi perikolużi”, it-tnejn li huma kif definiti f’din il-leġislazzjoni.

2.6

Din il-leġislazzjoni ġiet introdotti fl-1982 bid-Direttiva 82/501/KEE, wara l-inċident kbir f’Seveso (li wassal għall-esponiment mifrux għad-diossina) fl-1976. Ġiet emendata wara inċidenti f’Bhopal (tnixxija kbira ta’ methyl isocyanate) u f’Basel (sensiela ta’ nirien u rilaxxi ta’ sustanzi tossiċi). Ġiet mibdula fl-1996 mid-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE. Wara inċidenti kbar f’Toulouse (bin-nitrat tal-ammonju), f’Baia Mare (tniġġis taċ-ċjanur) u f’Enschede (splużjoni f’fabbrika tal-logħob tan-nar), din id-Direttiva sussegwentement ġiet emendata mid-Direttiva 2003/105/KE, fejn ġiet stabbilita sensiela ta’ obbligi proċedurali u ta’ rappurtaġġ definiti tajjeb għall-produtturi ħall-Istati Membri.

2.7

Ġeneralment, din il-leġislazzjoni titqies li kellha effett profond u pożittiv fuq is-sikurezza u l-kontroll ta’ impjanti tal-produtturi fejn jintużaw, jiġu manfatturati jew jinżammu sustanzi perikolużi. Madwar 10 000 stabbiliment tal-manifattura issa huma koperti, li minnhom madwar 4 500 bħalissa huma kklassifikati bħala “ta’ Livell Ogħla”, jiġifieri jeħtieġu rappurtaġġ u kontroll iktar strett mill-5 500 stabbiliment “tal-Livell ta’ Taħt”. Isiru spezzjonijiet regolari. Huma stabbiliti sistemi ta’ rappurtaġġ nazzjonali u madwar l-UE. Is-sistema hija appoġġjata u apprezzata minn dawk kollha involuti. Għadhom iseħħu inċidenti – iżda nittamaw li inqas u b’impatt inqas qawwi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent milli kien ikun il-każ li kieku ma kinitx implimentata din is-sistema.

2.8

Skont l-istatistika tal-Kummissjoni li tinstab onlajn, ġew rappurtati 745 inċident simili tul il-perjodu ta’ 30 sena li ilha fis-seħħ id-Direttiva. 42 inċident ieħor ġew rappurtati iżda għadhom ma ddaħħlux fil-bażi tad-data eMARS li hija disponibbli għall-pubbliku (2). Għalkemm l-istatistika mhijiex kompleta u lanqas disponibbli faċilment, 80 % ta’ dawn l-inċidenti huma maħsuba li huma fi stabbiliment klassifikati bħala “ta’ Livell Ogħla”, filwaqt li l-bqija fi stabbilimenti kklassifikati bħala “tal-Livell ta’ Taħt”. 35 ta’ dawn ta’ fuq ġew rappurtati fuq bażi volontarja minn pajjiżi tal-OECD mhux fl-UE. L-għadd ta’ inċidenti rrappurtati kull sena laħaq l-akbar ammont fil-perjodu 1996-2003, u naqas ġmielu minn dak iż-żmien ’l hawn. Mhuwiex ċar jekk dan jirrappreżentax titjib reali fis-sikurezza tal-impjanti jew biss dewmien pjuttost twil fl-analiżi u r-rappurtaġġ ta’ inċidenti mill-Istati Membri u minħabba dewmien fit-traduzzjoni wara.

2.9

Stabbilitimenti militari, u perikli li jinħolqu bir-radjazzjoni jonizzanti, l-isfruttar ta’ minerali u idrokarburi fil-baħar, it-trasportazzjoni tal-iskart u l-faċilitajiet għar-rimi tiegħu, flimkien ma’ sustanzi speċifiċi elenkati fil-Part 3 tal-Anness I ta’ din id-Direttiva, huma esklużi minn dawn il-kontrolli.

2.10

Sfortunatament, din il-leġislazzjoni tiddipendi b’mod kritiku għall-ambitu tagħha fuq il-leġislazzjoni CLP deskritta hawn fuq għal kull sustanza perikolużu ikkonċernata. Jekk hemm rekwiżit jew le, u sa liema punt, stabbiliment speċifiku jrid jikkonforma mal-kontrolli Seveso huwa definit mill-klassifikazzjonijiet u t-tunnellaġġi tas-sustanzi użati, manifatturati jew miżmuma fl-istabbiliment. Il-kontrolli huma maħsuba biex jevitaw jew jimminimizzaw l-effetti ta’ “inċidenti kbar” biss, li huma definiti bħala dawk li jinvolvu wieħed jew aktar minn dawn il-fatturi: il-mewt ta’ persuna waħda jew aktar; sitt persuni jew iktar midruba u li jittieħdu l-isptar; ħsara lill-proprjetà ġewwa l-impjant jew barra; l-evakwazzjoni sinifikanti tal-persunal jew tal-ġirien tal-impjant; ħsara fit-tul tal-ambjent estern. Dawk li tabilħaqq kienu “inċidenti kbar”, imsemmija fil-punt 2.6 hawn fuq, u li wasslu għal tibdil fil-leġislazzjoni, naturalment kienu ta’ skala ikbar u għaldaqstant mhux tipiċi tal-inċidenti li jiġu rrappurtati b’mod ġenerali.

2.11

L-introduzzjoni tal-leġislazzjoni GHS issa teħtieġ xi tibdil, b’mod partikolari fl-Annessi tad-Direttiva fejn kategoriji speċifiċi ta’ perikli u “sustanzi” u “taħlitiet” klassifikati jiġu msemmija għal inklużjoni jew esklużjoni skont il-klassifikazzjonijiet ta’ periklu riveduti tagħhom.

2.12

Meta wieħed iqis li dan huwa tibdil fid-definizzjonijiet u mhux fir-riskji reali, il-Kummissjoni m’għandhiex l-intenzjoni li tibdel jew testendi b’mod sinifikattiv l-ambitu tal-leġislazzjoni attwali, u għaldaqstant il-benefiċċji reali għall-proċess u għas-sikurezza tal-ħaddiema jew tal-konsumaturi, jew għall-ambjent huma mistennija li jkunu minimi. Għaldaqstant, huwa ovvju l-bżonn li jiġu kkontrollati l-ispejjeż u impatti oħrajn għall-operaturi u l-Istati Membri, bħalma huwa wkoll il-bżonn li jiġi evitat li tiddgħajjef l-enfasi attwali fuq il-perikli ta’ inċidenti kbar.

3.   Sinteżi tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva ġdida hija msejsa fuq l-Artikolu 191 TFUE. Id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri u tidħol fis-seħħ 20 jum wara li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Id-Direttiva 96/82/KE se tiġi revokata b’mod effettiv fl-1 ta’ Ġunju 2015. Il-partijiet interessati ġew ikkonsultati. B’mod ġenerali kien hemm qbil li ma kinux neċessarji bidliet kbar, barra milli jiġi allinjat l-Anness I għar-Regolament (KE) 1272/2008.

3.2

Madankollu, il-Kummissjoni tipprova tikkjarifika u taġġorna wħud mill-proċeduri u definizzjonijiet, kif ukoll tintroduċi miżuri ġodda, b’mod partikolari fir-rigward tal-frekwenza tal-ispezzjonijiet, il-kontenut tal-politika ta’ prevenzjoni ta’ inċidenti kbar tal-operaturi (MAPP), ir-rekwiżiti għal sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza (SMS), l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku, id-drittijiet ta’ aċċess għall-ġustizzja ambjentali, il-forniment ta’ rapporti mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, u l-proċess tal-emendar tal-Annessi permezz ta’ atti delegati.

3.3

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-diffikultajiet ewlenin jinsabu fl-allinjament tal-kategoriji attwali “Tossiku Ħafna” u “Tossiku”, b’kategoriji ġodda “Tossiċità Akuta 1, 2 u 3”, li issa huma maqsuma skont ir-rotot ta’ esponiment (orali, mill-ġilda u minn inalazzjoni). Se jkun hemm kategoriji ġodda iktar speċifiċi għal perikli ossidanti, esplożivi u fjammabbli, inklużi “aerosols fjammabbli”. Jissemmew speċifikament għadd ta’ prodotti oħrajn, inklużi n-nitrat tal-ammonju u ż-żejt tal-fjuwil tqil, u li jintużaw b’mod ġenerali minkejja l-użu okkażjonali tagħhom bħala perkursuri tal-isplużivi.

3.4

Il-proposta hija akkumpanjata minn dokument ta’ ħidma tal-persunal u valutazzjoni tal-impatt, żewġ valutazzjonijiet tal-impatt esterni ppreparati minn COWI A/S (Danimarka, grupp konsultattiv internazzjonali) dwar l-għażliet possibbli għall-proposta globali u għall-adattament tal-Anness I, u minn rapport tal-Grupp ta’ Ħidma Tekniku JRC (TWG) dwar il-kriterji ta’ klassifikazzjoni għall-identifikar tal-istabbiliment Seveso. Informazzjoni addizzjonali dwar proposti għar-riforma tal-bażi tad-data eMARS kienet ingħatat meta ntalbet.

3.5

Minkejja l-akkumulazzjoni ta’ poteri u responsabbilitajiet fil-Kummissjoni, qed jingħad li mhemmx impatt fuq il-baġit Komunitarju. Il-valutazzjoni tal-impatt ma tikkwantifikax għal kollox l-ispejjeż u l-benefiċċji għall-Istati Membri jew l-operaturi – iżda tissuġġerixxi li t-tnejn iridu jkunu inqas b’mod sinifikattiv milli kienu meta l-leġislazzjoni ġiet introdotta. Jinnota wkoll li l-ispejjeż huma ġeneralment minuri meta mqabbla ma’ dawk fil-każ ta’ inċident reali. In-nar tal-2005 fit-terminal ta’ Buncefield fir-Renju Unit jissemma bħala eżempju. Xi proposti ġodda għall-komunikazzjoni mal-pubbliku ġenerali jew għall-forniment tad-data lill-Kummissjoni ma ġewx evalwati għall-effikaċja tagħhom f’termini ta’ spejjeż jew dawk reali. L-applikazzjoni jew ir-riżultati preżunti tal-leġislazzjoni attwali ġew eżaminati f’dokumenti relatati iżda dawn ma ġewx inklużi fil-valutazzjoni tal-impatt.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE għadda kummenti favorevoli permezz tal-Opinjonijiet tiegħu dwar id-Direttivi kollha msemmija hawn fuq u appoġġja b’mod qawwi s-sensiela ta’ proposti li għandhom l-għan li jimminimizzaw il-frekwenza u l-impatt ta’ perikli ta’ inċidenti kbar taħt l-ismijiet ġenerali tad-Direttivi Seveso I, II u issa, III. Għalhekk, jappoġġja l-proposta l-ġdida, il-bażi legali magħżula għaliha u l-għażla tal-istrument. Madankollu, hemm tħassib fir-rigward tal-proporzjonalità u l-effett possibbli tal-proposta, fejn b’mod ċar, uħud mid-dispożizzjonijiet imorru lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi mixtieqa.

4.2

Il-KESE appoġġja wkoll b’mod qawwi l-għan ta’ “sistema globalment armonizzata” (GHS) għall-“klassifikazzjoni, l-imballaġġ u t-tikkettar ta’ sustanzi kimiċi”, kif stipulat min-Nazzjonijiet Uniti, għall-appoġġ tal-kummerċ dinji u sabiex jiġu assistiti l-ekonomiji inqas żviluppati fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu s-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema u tal-konsumaturi.

4.3

Madankollu, il-KESE, f’Opinjoni preċedenti ppubblikata fil-ĠU C 204, p. 47, tad-9 ta’ Awwissu 2008, stabilixxa għadd ta’ kundizzjonijiet dwar dan il-punt. Ħafna minn dawn jistgħu japplikaw għal kwalunkwe proċess ta’ armonizzazzjoni transnazzjonali, jew f’dan il-każ, globali, ikunu kemm ikunu tajbin l-intenzjonijiet, fejn sistema waħda li taħdem tajjeb tiġi mibdula b’oħra f’isem għan ikbar, jiġifieri l-iffaċilitar tal-kummerċ dinji. Il-burokrazija u l-ispejjeż jistgħu jiżdiedu. Proċeduri u definizzjonijiet li ilhom stabbiliti jistgħu jiddgħajfu. Għanijiet essenzjali jistgħu jitilfu mis-sugu tagħhom. Prattiki ta’ manifattura u ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jesiġu reviżjoni bi spiża konsiderevoli u mingħajr benefiċċju għall-ħaddiema jew il-konsumaturi. Hemm possibilità kbira li jkun hemm konfużjoni fil-livelli kollha, kemm matul kif ukoll wara il-perjodi ta’ transizzjoni inevitabbli għal kull biċċa ta’ leġislazzjoni affettwata. Il-benefiċċji, jekk jitkejlu, aktarx se jkunu ftit jew xejn, u l-ispejjeż addizzjonali diffiċli tiġġustifikahom.

4.4

Ħafna mill-punti msemmija hawn fuq ġew rikonoxxuti fil-preparazzjoni ta’ din il-proposta, speċjalment bil-qbil kważi universali li ma kienx hemm bżonn ta’ reviżjonijiet kbar għall-enfasi, l-ambitu u l-implimentazzjoni ġenerali tal-leġislazzjoni attwali, barra mir-reviżjoni tal-Anness I, b’konformità mad-definizzjonijiet ġodda għas-CLP ta’ “sustanzi perikolużi”, li fuqhom tiddipendi din il-leġislazzjoni.

4.5

Sfortunatament, għad hemm bosta problemi. Uħud minnhom issemmew matul il-konsultazzjoni, iżda mhumiex indirizzati fit-test attwali. Tħassib ieħor ta’ natura ġenerali ntilef għal kollox.

4.6

Il-KESE jiddispjaċih b’mod partikolari li l-adozzjoni ta’ GHS negozjat fuq livell globali, li essenzjalment huwa monolingwi, wassal għat-telfien tas-sinifikat ta’ kelmiet importanti li ilhom stabbiliti, bħal “sustanza”, li issa tista’ tinkludi kemm “preparazzjonijiet” kif ukoll “taħlitiet”; u li dawn l-aħħar żewġ kelmiet jitqiesu li jesprimu l-istess ħaġa, li ma kienx il-każ fid-Direttiva Ġenerali dwar il-Preparazzjonijiet; u li għad ma sarx sforz biex jiġi kkonfermat li t-tliet termini – bl-Ingliż u b’xi lingwi oħra tal-UE –“kimika” (bħala nom), “sustanza kimika” u “sustanza” huma sinonimi fil-leġislazzjoni tal-UE, minkejja li jintużaw b’mod differenti u għandhom tifsiriet attribwiti li jvarjaw. Għal uħud jaf ikun neċessarju li wieħed jispjega li m’hemmx sustanzi “mhux kimiċi”. Bl-istess mod, referenzi għal “fatturi-M” jew “frażijiet R & S” jagħmlu sens biss f’lingwa waħda u jistgħu joħolqu problemi meta jiġu tradotti f’lingwi oħrajn.

4.7

Għaldaqstant, din hija opportunità mitlufa biex jiġi stabbilit glossarju ta’ termini ewlenin, fil-lingwi kollha tal-UE, kif ġie suġġerit preċedentement, u dan huwa essenzjali jekk il-leġislazzjoni tilħaq oqsma ġodda li jaffettwaw l-istess grupp ta’ prodotti – pereżempju għal-limitar tad-disponibbilità għall-użu minn terroristi bħala prekursuri tal-isplużivi – kif ukoll l-indirizzar tal-problema ta’ rduppjar u l-interazzjoni ta’ leġislazzjoni orizzontali u vertikali, pereżempju REACH, Emissjonijiet Industrijali, Kwalità tal-Ilma, u l-WEEE, ma’ leġislazzjoni li hija speċifika skont il-prodott dwar solventi, deterġenti, kosmetiċi, aerosols, fertilizzanti u pestiċidi.

4.8

Dan huwa minnu wkoll fir-rigward tal-proċess propost għall-emendar tal-Annessi, li essenzjalment iservu biex iżidu jew inaqqsu l-għadd ta’ prodotti u għaldaqstant siti li huma soġġetti għal din il-leġislazzjoni, billi l-Kummissjoni aġixxiet waħedha permezz ta’ “atti delegati”. Dawn se jesiġu linji gwida bil-miktub li huma ċari u aċċettabbli għall-partijiet affettwati kollha ligħad irid jiġu żviluppati. Il-bażijiet xjentifiċi għal dawn id-deċiżjonijiet iridu jiġu stabbiliti b’mod komplut u l-proċeduri kollha li ġew maqbula minn qabel segwiti mill-qrib. Fil-każ ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew il-Kunsill, għandha tkun obbligatorja reviżjoni mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u l-korpi konsultattivi. Għandha ssir ukoll dispożizzjoni għat-tressiq ta’ oġġezzjonijiet minn Stati Membri individwali jew partijiet oħra affettwati.

4.9

Dan huwa rilevanti wkoll għall-ambitu tal-applikazzjoni tal-proposta. Id-Direttiva Seveso II tapplika għal madwar 10 000 stabbiliment imsemmi minn madwar l-UE. Minn dawn, madwar nofshom huma koperti wkoll mid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, li tieħu post l-IPPC, u li se tkopri iktar minn total ta’ 50 000 sit. L-hekk imsejħa “stabbilimenti Seveso” jinkludu l-manifatturi tal-kimiki, ir-raffinar taż-żejt, il-prodotti għall-konsumaturi u manifatturar ieħor downstream, kif ukoll xi siti għall-ipproċessar tal-iskart. Jidher li hemm qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri li d-definizzjonijiet attwali jolqtu pjuttost tajjeb is-siti fejn teżisti kull possibilità ta’ inċident kbir. Ċertament is-siti ewlenin kollha huma elenkati. Kull tibdil fil-livell tal-klassifikazzjoni ta’ prodotti sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-GHS, mingħajr l-ebda tibdil fil-perikli reali li hemm warajh, se jfisser li jiżdiedu biss siti iżgħar, bit-tnaqqis kontinwu tar-riskji reali, jew li jiżdied, mingħajr ġustifikazzjoni, l-għadd ta’ siti li huma kklassifikati li huma ta’ riskju ogħla. Hemm tħassib speċifiku fil-każ tal-materja prima għad-deterġenti, fejn minħabba bidliet fid-definizzjoni, jistgħu jiġu miżjuda għadd sinifikanti ta’ siti tal-Livell ta’ Taħt. Fid-dawl tal-fatt li, skont l-istatistika tal-Kummissjoni, bl-istess mod bħalma huwa imsemmi hawn fuq, il-5 500 stabbiliment tal-Livell ta’ Taħt jirrappreżentaw mhux iktar minn 5-10 inċident irrappurtat kull sena, ma jidhirx li dan huwa qasam prijoritarju għal aktar enfasi regolatorja. Fil-fatt, billi għal kull stabbiliment Seveso tal-Livell ta’ Taħt, iseħħ inċident li għandu jiġu rappurtat kull 500-1 000 sena (jew anke għal stabbiliment Seveso tal-Livell ta’ Fuq, inċident wieħed kull 100-200 sena), wieħed għandu jaħseb li hemm iktar perikli personali fid-dar jew meta wieħed ikun sejjer ix-xogħol – għalkemm dawn naturalment rari jkollhom impatt kbir fuq oħrajn jew jiġu ttrattati bħala serji minn regolaturi jew mill-pubbliku inġenerali. L-iżgurar li SMEs responsabbli jkunu jafu u jikkonformaw mal-liġi u li siti jiġu spezzjonati regolarment mill-awtoritajiet kompetenti iġib miegħu dejjem inqas benefiċċji. Fi żminijiet ta’ baġit imnaqqsa u restrizzjonijiet fuq il-forza tax-xogħol, dan jista’ jżid il-possibilità ta’ inċidenti serji li jseħħu band’ oħra.

4.10

Għaldaqstant il-KESE jitlob bis-saħħa li tinżamm l-enfasi oriġinali tad-Direttivi li jiġu evitati jew minimizzati l-effetti tal-perikli ta’ inċidenti kbar, kif inhuma definiti. Għandu jkun hemm reżistenza qawwija għal kull deċiżjoni biex dan l-effett jonqos, sempliċiment permezz tal-introduzzjoni tal-GHS il-ġdida għas-CLP, jew permezz ta’ tibdil fis-sistemi ta’ rappurtaġġ lokali u madwar l-UE. Dan jesiġi konsiderazzjoni attenta, mhux biss tal-limiti l-ġodda tal-klassifikazzjoni iżda wkoll tal-limiti fit-tunnellaġġi għall-prodotti maħżuna. Fejn dan jinkludi prodotti li diġà huma f’pakketti fi kwantitajiet iżgħar għall-bejgħ fil-ħwienet, u fejn il-possibilità ta’ nar jew splużjoni hija żgħira, ir-riskju ta’ inċident kbir kif inhu definit jitnaqqas ħafna.

4.11

Il-KESE jinnota wkoll li din il-proposta teskludi speċifikament u ġustament inċidenti bħall-isplużjoni reċenti fil-baħar ta’ impjant tat-tħaffir għaż-żejt fil-Golf tal-Messiku, fejn jista’ jkun li se tkun meħtieġa leġislazzjoni ġdida, u fuq livell iktar lokali, it-tnixxija tat-“tajn aħmar” fl-Ungerija kien kopert, għallinqas teoretikament, mid-Direttiva tal-2006 dwar l-Iskart mill-Industriji tal-Estrazzjoni (MWD). Implimentazzjoni u spezzjoni adatta fil-livell nazzjonali naturalment huma essenzjali, tkun xi tkun il-leġislazzjoni fis-seħħ fil-livell tal-UE.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-KESE jinnota li hemm rekwiżiti ta’ rappurtar għall-produtturi u l-Istati Membri li huma bbażati fuq skadenzi differenti skont l-għadd kbir ta’ Direttivi msemmija hawn fuq. Żidiet fil-frekwenza u l-profondità tar-rappurtar taħt dan it-titolu partikolari, mingħajr evidenza ċara ta’ effett pożittiv, iżidu l-piż fuq dawk kollha kkonċernati. L-akkumulu tad-data b’mod ċentrali, fi Brussell jew xi mkien ieħor, iżid mal-problemi taż-żamma kemm tal-kwalità tad-data kif ukoll tal-kunfidenzjalità meta dan ikun adatt.

5.2

Dan huwa rilevanti wkoll għar-rekwiżit il-ġdid għall-“istabbilimenti” biex jipprovdu dettalji dwar il-“ġirien” tagħhom sabiex jiġu evitati “effetti domino” f’siti biswithom li jistgħu jew ma jistgħux ikunu koperti minn din il-leġislazzjoni. Mhuwiex ċar kif jista’ jiġi indirizzat dan il-punt taħt il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE. Madankollu, ċertament li huwa rilevanti għall-iżvilupp ta’ pjani biex ikun hemm rispons għal emerġenzi lokali, u f’dan ir-rigward għandu l-appoġġ sħiħ tal-KESE.

5.3

Ir-rekwiżit li l-operaturi jfasslu rapporti li jinkludu l-evidenza dwar il-preżenza ta’ “kultura tas-sikurezza” isegwi l-inċidenti fl-Istati Uniti fir-rigward tad-diżastru tal-iSpace Shuttle, u iktar reċentement, inċidenti kbar f’Texas u fil-Golf tal-Messiku fejn kultura bħal din, jingħad, ma kinitx preżenti. Madankollu dawn huma kummenti suġġettivi li diffiċli wieħed jevalwahom jew jikkwantifikahom. Il-forniment ta’ valutazzjonijiet regolari u li jagħmlu sens bil-quddiem jippreżenta problemi għall-awtoritajiet kompetenti, bl-għadd ta’ persunal għad-dispożizzjoni tagħhom bħalissa, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Għaldaqstant, din il-proposta ġiet rifjutata waqt laqgħa ta’ esperti tas-sikurezza f’Ispra fl-2010 u mhuwiex ċar għalfejn ġiet introdotta mill-ġdid fil-proposta attwali.

5.4

B’mod ġenerali, il-KESE kien jippreferi li r-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ jibqgħu realistiċi, jagħmlu sens, jistgħu jitqabblu u jistgħu jiġu infurzati madwar l-Istati Membri kollha, u li jsir kull sforz biex l-aqwa prattika tiġi skambjata bejn il-fruntieri. Il-KESE jiddispjaċih b’mod partikolari li s-sezzjonijiet “tagħlimiet miksuba” tas-745 rapport onlajn li bħalissa huma disponibbli fil-bażi tad-data eMARS huma tipikament vojta u li l-bqija tal-kaxxi li jridu jimtlew jagħtu ftit informazzjoni li tista’ tkun utli, minkejja li qed jiġu offruti lill-pubbliku ġenerali, kif ukoll lill-esperti tas-sikurezza, bħala sors ewlieni ta’ data rilevanti. Xi data, pereżempju dwar id-distribuzzjoni ta’ inċidenti bejn l-istabbilimenti ta’ Fuq u ta’ Isfel, apparentement ma nġabritx b’mod sistematiku, u b’hekk huwa diffiċli li tiġi evalwata l-effikaċja tal-komponenti varji tal-leġislazzjoni u tal-azzjonijiet meħtieġa fil-livell nazzjonali. Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-azzjonijiet mill-Kummissjoni biex taqbel dwar standards ta’ rappurtaġġ ġodda mal-Istati Membri u jittama li jiġu allokati riżorsi biżżejjed sabiex is-sistema tkun tista’ taħdem kif suppost.

5.5

Il-KESE jistaqsi wkoll għalfejn ir-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ għaż-żewġ Livelli ta’ operaturi, definiti skont it-tunnellaġġi u l-klassifikazzjonijiet ta’ periklu tas-sustanzi li huma prodotti, użati jew li jinżammu fis-sit, huma differenti minn xulxin fir-rigward tal-bżonn għal Politika ta’ Prevenzjoni ta’ Inċidenti Kbar (MAPP) u s-Sistema tal-Ġestjoni tas-Sikurezza (SMS) u r-rapport dwar is-sikurezza sussegwenti. Billi l-ewwel (MAPP) għandu ftit valur mingħajr it-tieni (SMS), il-KESE jemmen li dan ir-rekwiżit għandu japplika bl-istess mod għall-istabbilimenti kollha elenkati taħt din id-Direttiva. Madankollu, ir-rekwiżiti speċifiċi għal stabbilimenti tal-Livell ta’ Taħt għandhom jiġu adattati iktar fil-qrib għar-riskju mnaqqas ħafna li realment iseħħ inċident kbir.

5.6

Il-KESE jinnota li l-proposti biex tiġi fornuta informazzjoni lill-pubbliku ġew estiżi b’mod konsiderevoli, għalkemm mhuwiex dejjem ċar għalfejn dan sar. “Skejjel u sptarijiet” huma identifikati b’mod speċifiku f’paragrafu minnhom – iżda mhuwiex ċar jekk ġewx definiti għal finijiet edukattivi, bħala siti li jimpjegaw jew li fihom għadd kbir ta’ individwi li jesiġu pjani ta’ evakwazzjoni u taħriġ speċifiċi, jew bħala riżorsi ewlenin fil-każ ta’ emerġenza. Dan il-punt irid jiġi kkjarifikat sabiex l-azzjonijiet adatti jkunu jistgħu jittieħdu minn dawk kollha kkonċernati.

5.7

F’dawn il-każijiet kollha r-rekwiżit għandu jkun li l-informazzjoni fornita tkun rilevanti, komprensibbli u f’waqtha għal għan partikolari. Informazzjoni li tingħata elettronikament se sservi xi setturi tal-komunità iżda mhux oħrajn. L-informazzjoni fuq karta stampata se tibqa’ meħtieġa għal ħafna snin fil-ġejjieni. Tipi ġodda ta’ komunikazzjoni bħall-użu ta’ messaġġi elettroniċi mmirata, netwerks soċjali u anke Twitter® jistgħu jiġu studjati fil-livell lokali fi ħdan pjani biex jiġu indirizzati emerġenzi speċifiċi.

5.8

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinkludi artikolu ġdid biex tiġi żgurata “ġustizzja ambjentali”, idea li twieldet fl-Istati Uniti fis-snin tmenin, ibbażata fuq il-moviment tad-drittijiet ċivili ta’ 20 sena qabel, fejn il-kulur tal-persuni, il-faqar, u n-nuqqas ta’ drittijiet ċivili, u għalhekk in-nuqqas ċar ta’ “ġustizzja”, kienu marbutin mill-qrib ma’ xulxin. L-istess prinċipji ġew inkorporati fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus tal-1998. Regolament li jistipola l-obbligi tal-istituzzjonijiet tal-UE ġie adottat fl-2006. L-Opinjoni tal-KESE dwar dan, ppubblikata fil-ĠU C 117 p. 52, 30 ta’ April 2004 (mhux disponibbli bil-Malti), appoġġjat il-proposta iżda esprimiet it-tħassib tal-kumitat dwar id-definizzjoni dejqa ta’ “organizzazzjonijiet li jippromovu l-ħarsien tal-ambjent” fejn “organizzazzjonijiet mhux għal profitt, bħat-trade unions, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali u soċjookkuppazzjonali, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, eċċ, ukoll jaqdu rwol importanti fil-ħarsien tal-ambjent fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.” Dan il-punt jibqa’ validu llum, bl-elementi kollha tas-soċjetà ċivili organizzata involuti, kif inhu xieraq, fl-iffurmar ta’ ġudizzji informati dwar kwistjonijiet rilevanti għal din il-leġislazzjoni u fl-iżgurar li s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali fil-madwar ikunu protetti b’mod tajjeb fil-każ li jseħħ inċident kbir. Skont rapporti onlajn tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-2006, l-għadd żgħir ta’ talbiet għall-informazzjoni kienu bħala appoġġ għall-kampanji pan-Ewropej li għadhom għaddejjin, u mhux dwar kwisjonijiet speċifiċi marbutin ma’ xi sit partikolari. Għalhekk mhuwiex ċar għalfejn dan ir-rekwiżit partikolari żdied f’dan l-istadju, minflok, pereżempju, proposti sabiex tiġi skambjata, rikonoxxuta u ppremjata l-aqwa prattika. Dan huwa qasam fejn l-UE għadha lura ħafna meta mqabbla mal-Istati Uniti fejn jista’ jsir progress reali fil-proċess u fis-sikurezza personali, f’konformità mal-objettivi ddikjarati ta’ din il-proposta.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 204 tad-9 ta’ Awwissu 2008.

(2)  http://emars.jrc.ec.europa.eu/


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/144


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali”

COM(2010) 487 finali

2011/C 248/25

Relatur: is-Sur Eugen Mircea BURADA

Nhar l-24 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali

COM(2010)487 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastrutturi u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Mejju 2011.

Matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Ġunju (seduta tal-15 ta’ Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’ 142 voti favur, vot 1 kontra u 9 astensjonijiet.

Motto

L-Ewropa għandha tkun attur dinji u fl-ebda każ m’għandha tkun sottokuntrattur tal-globalizzazzjoni (1)

PREAMBOLU

Fil-qalba tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura, iċ-ċinema Ewropea għandha rwol importanti fit-trawwim tal-identitajiet Ewropej.

Din il-frażi li tidher fil-bidu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija dikjarazzjoni ta’ intenzjoni b’saħħitha, li tenfasizza mill-ewwel id-dimensjoni reali tas-suġġett filwaqt li tiġbed l-attenzjoni għall-importanza kbira tiegħu biex tintlaħaq b’suċċess il-mira tal-Unjoni Ewropea, kif immaġinata u stabbilita mill-fundaturi tagħha. Il-kultura bil-komponenti kollha tagħha, u b’mod partikolari, fil-każ inkwistjoni, iċ-ċinema, hija l-mezz prinċipali ta’ promozzjoni tal-komunikazzjoni, tas-solidarjetà, tad-demokrazija u fuq kollox tal-koeżjoni Ewropea. Iċ-ċinema, li hi l-veru Holy Grail (Sangral) tal-ħajja, għandha tiġi protetta u kkunsidrata b’interess politiku u strateġiku kbir. Iċ-ċinema diġitali toffri opportunità, mhux ta’ min jitlifha, li ċ-ċinema Ewropea tingħata r-rwol prinċipali ta’ komunikatur traxxendentali tal-ideat, kif ukoll ċans uniku għall-Unjoni Ewropea, li għalhekk għandu jinħataf, biex din tattrezza ruħha bl-istrumenti meħtieġa biex tiġi garantita l-koeżjoni fl-UE permezz tat-trawwim tal-identitajiet Ewropej. Fir-realtà, huma biss l-arti inġenerali u l-arti ċinematografika b’mod partikolari li jistgħu jwettqu din l-ambizzjoni. F’termini ekonomiċi, dan il-proċess kollu jeħtieġ BAĠIT, jiġifieri sforz finanzjarju kbir, li mingħajru l-ġejjieni tal-Unjoni, verament torri ta’ Babel b’27 valenza, ikun fil-periklu li jiġi kompromess mill-karatteristiċi tal-identitajiet tal-Istati Membri differenti tagħha.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Dan is-suġġett li qed nittrattaw jikkostitwixxi kwistjoni kumplessa, sensittiva u serja, iżda fl-istess ħin hija wkoll, u fuq kollox, politika:

KUMPLESSA, minħabba l-pluralità kulturali tal-identitajiet Ewropej;

SENSITTIVA, minħabba li kull Stat Membru, kburi bir-rikkezzi u bil-varjetà tal-patrimonju ċinematografiku nazzjonali tiegħu, se jikkunsidra din il-fażi ġdida b’kawtela kbira, jew saħansitra b’xettiċiżmu;

SERJA, minħabba n-nuqqas ta’ strateġija reali fil-livell Ewropew u ta’ previżjoni tar-riżultati, liema nuqqas jista’ fil-futur jipperikola l-isforzi ta’ tisħiħ tal-UE permezz tat-trawwim u tal-armonizzazzjoni tal-identitajiet Ewropej;

POLITIKA: iċ-ċinema, simbolu kulturali per eċċellenza, bdiet bħala mezz ta’ divertiment, u biż-żmien kisbet importanza ġdida u ta’ natura varja: bħala appoġġ morali, bħala strument ta’ komunikazzjoni, bħala impronta storika u sottili, bħala strument ta’ propoganda, eċċ.

1.2   Il-Kumitat jirrakkomanda lill dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u li huma kkonċernati dwar il-futur ta’ dan il-proġett uniku fid-dinja biex jaġixxu bi prudenza u jevitaw li jaqgħu fin-nassa tal-paraguni kulturali negattivi ttimbrati fi mħuħ in-nies, riflessi fi frażijiet bħal “iċ-ċinema Amerikana hija suprema”, “l-ispettaturi jippreferu l-produzzjonijiet Amerikani”, eċċ. Il-kompetizzjoni għandha tkun doża ta’ adrenalina injettata fiċ-ċinema diġitali Ewropea. L-ispettaturi jogħġobhom il-fatt li wieħed jikkomunika magħhom, isaħħarhom, jikkonvinċihom, joffrilhom spettaklu, jistedinhom fi swali fejn jidħlu bl-opinjonijiet personali tagħhom u minn fejn joħorġu b’ideat trażmessi lilhom fuq l-iskrin. Huma affarijiet bħal dawn li jwasslu għas-suċċess. Għaldaqstant, huwa rrakkomandat li jsiru l-isforzi kollha li hemm bżonn (fiduċja, determinazzjoni, ambizzjoni Ewropea) biex jinstabu l-mezzi u l-fondi meħtieġa bl-għan preċiż li jiġi żgurat is-suċċess ta’ dan l-strument politiku u kulturali – li mingħajr dubju huwa wieħed mill-pilastri għas-suċċess fil-kisba tal-mira tal-integrazzjoni Ewropea.

1.3   Minħabba li din ir-rivoluzzjoni diġitali reali taċ-ċinema Ewropea se twassal għal bidliet fil-programmi, fl-istandards u fir-regolamenti, se tiġi rrivoluzzjonata b’mod partikolari r-rutina trankwilla ta’ diversi partijiet interessati ta’ dan is-settur billi din se timponi fuqhom qafas ta’ xogħol ġdid, ritmu ta’ ħajja ġdid u fuq kollox baġit ikbar. Hija tikkostitwixxi sfida ġdida li madankollu hija akkumpanjata mir-risjku li jisparixxu numru ta’ intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, kif inhu spjegat tajjeb ħafna fid-dokument tal-Kummissjoni. Il-Kumitat jistieden u jappoġġja kull intervent utli min-naħa tal-Unjoni Ewropea, u jqis li bilfors jeħtieġ isir sforz biex jinżammu miftuħin is-swali ż-żgħar taż-żoni rurali, bħalma jinżammu dawk fil-bliet il-kbar, peress li huma tant importanti għall-koeżjoni soċjali kif ukoll għas-settur speċjalizzat taċ-ċinema tal-films “art-house”.

1.4   Iċ-ċinema diġitali – pass ġgantesk tal-innovazzjoni, fattur obbligatorju għall-ġejjieni tal-Unjoni, komponent ewlieni tal-kultura Ewropea, pont sod bejn il-popli u l-kulturi tal-Unjoni billi permezz tagħha dawn ikunu jistgħu jiltaqgħu, isiru jafu lil xulxin aħjar, jiskopru lil xulxin, u forsi, jekk ikun il-każ, jirrealizzaw li jistgħu jgħixu flimkien, billi jħarsu lejn xulxin b’mod intelliġenti, b’rispett, u għaliex le b’ammirazzjoni – toħloq ambjent iktar konvivjali, iktar kompetittiv u inqas stravaganti.

1.5   Il-Kumitat jappoġġja l-ħolqien, fil-livell Ewropew, ta’ qafas legali ċar u stabbli li jippermetti li l-Istati Membri jagħmlu dak kollu li hemm bżonn biex jattiraw lura l-miljuni ta’ spettaturi li abbandunaw is-swali taċ-ċinema. Jeħtieġ li jiġi rikonoxxut aspett primordjali: illum il-ġurnata, li wieħed imur iċ-ċinema jara film sar lussu filwaqt li l-fatt li wieħed jara DVD permezz ta’ tagħmir ċinematografiku domestiku (bi skrin plażma, li huwa indispensabbli) sar xi ħaġa ta’ kuljum.

1.6   Għandna nittrattaw din il-kwistjoni billi nżommu f’moħħna li l-ICT – it-teknoloġiji l-ġodda, l-informazzjoni f’ħin reali u l-komunikazzjoni diretta mingħajr ostakli lingwistiċi – huma estremament vantaġġużi biex jiġu diffużi mingħajr ostakoli u bi prezzijiet baxxi d-diversi valuri kulturali u kreattivi tal-Ewropa. Fl-istess ħin, huma joffru aċċessibilità kbira għal persuni b’diżabbiltà fil-vista jew fis-smigħ.

1.7   Madankollu, ma tista’ tintlaħaq l-ebda stabbiltà jew sostenibbiltà jekk l-Unjoni Ewropea ma tipprovdix il-mezzi finanzjarji li huma indispensabbli biex dan il-proġett multikulturali uniku fid-dinja jiġi implimentat u appoġġjat adegwatament. Mingħajr dubju ta’ xejn, il-ġestjoni ħażina ta’ dan il-programm tinvolvi spejjeż kbar għas-swali ż-żgħar taċ-ċinema, għal ċerti kategoriji ta’ professjonisti fis-settur u b’mod partikolari għall-ispettaturi, li huma l-mira prinċipali tagħna. Filwaqt li nżommu f’rasna li ma jistax ikun hemm approċċ uniku ta’ appoġġ pubbliku għal kull pajjiż u reġjun fl-Ewropa, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal finanzjament suffiċjenti għad-diġitalizzazzjoni ta’ swali żgħar taċ-ċinema, b’mod speċjali f’żoni rurali kif ukoll fil-bliet il-kbar. Għandhom jintużaw il-fondi strutturali, għandu jiġi żgurat kofinanzjament nazzjonali adegwat, u għandha tingħata prijorità għall-fatt li l-Fond ta’ Garanzija ta’ Produzzjoni tal-MEDIA jsir aktar aċċessibbli għall-eżibituri. Madankollu, ma jistax ikun hemm għajnuna pubblika mhux differenzjata, li tkun valida għall-pajjiżi kollha u għar-reġjuni kollha tal-Ewropa, u kull pajjiż jew reġjun għandu jkollu l-libertà li jistabbilixxi sistema li tkun vantaġġuża għas-swieq attwali.

1.8   Huwa rrakkomandat li tinħataf din l-okkażjoni tat-tranżizzjoni għat-teknoloġija diġitali, li żgur se sseħħ fis-snin li ġejjin, biex jiġu ddiġitalizzati l-arkivji ċinematografiċi, kemm jekk huma dokumentarji, immaġni mill-arkivji jew films klassiċi, biex il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni ma jkunux imċaħħdin minn din il-minjiera tad-deheb li tikkostitwixxi ċ-ċinema Ewropea u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal dawn il-produzzjonijiet.

1.9   Din il-komunikazzjoni tiffoka mill-qrib fuq id-diġitalizzazzjoni tas-swali iktar milli fuq iċ-ċinema Ewropea u l-politika awdjoviżiva f’dinja diġitali. Id-diġitalizzazzjoni hija proċess kumpless, ħafna ikbar mis-sempliċi sostituzzjoni tat-tagħmir. Approċċ iktar integrat, li ma jikkunsidrax biss l-aspetti teknoloġiċi u industrijali iżda wkoll it-tħassib u l-objettivi kulturali – il-kreazzjoni – se jkun meħtieġ biex iċ-ċinema Ewropea ssir element strateġiku ewlieni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. L-aċċess għaċ-ċinema diġitali, bħala rikreazzjoni jew informazzjoni, għandu jkun parti mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa.

2.   Introduzzjoni

2.1   Iċ-ċinema diġitali hija ċinema li tuża t-teknoloġija diġitali għad-distribuzzjoni u l-projezzjoni tal-films fis-sala. It-teknoloġija diġitali tinkludi: ir-reġistrazzjoni diġitali, il-postproduzzjoni diġitali, it-twettiq ta’ master diġitali (DCDM – Digital Cinema Distribution Master jew Master ta’ Distribuzzjoni għaċ-Ċinema Diġitali), il-projezzjoni diġitali tal-films (DCI), li tista’ titwettaq fuq żewġ livelli ta’ riżoluzzjoni: 2K u 4K. Is-sistema taċ-ċinema diġitali għandha tiżgura lealtà massima lejn l-istampa u l-ħoss.

2.2   Id-distribuzzjoni tal-films f’format diġitali tippermetti li d-distributuri tal-films jiffrankaw ħafna flus. 80 minuta distribwiti fuq pellikola klassika jiswew bejn 1 500 u 2 500 dollaru. Dawn iċ-ċifri, multiplikati b’miljuni ta’ kopji, jammontaw għal somma astronomika. F’format diġitali, b’massimu ta’ 250 Mb fis-sekonda, film standard jista’ jiġi ssejvjat fuq ħardisk li jieħu biss 300 Gb bi prezz ferm baxx, apparti l-fatt li oġġett f’format diġitali faċilment jiġi mmaniġġjat, issejvjat u trasportat, u barra minn hekk jista’ jerġa’ jintuża (sors: Wikipedia).

2.3   Id-diffużjoni f’format diġitali (iċ-ċinema diġitali) ma tistax teżisti mingħajr il-produzzjoni tal-films, liema produzzjoni għadha lura f’dak li jirrigwarda s-sostituzzjoni, b’sistema diġitali, tal-apparat li bih jinġibdu l-films. Jeħtieġ li jsir sforz finanzjarju speċifiku għall-irkupru tad-dewmien akkumulat, kif ukoll biex isir progress malajr fir-rigward tal-kompetizzjoni.

Illum il-ġurnata ninsabu f’sitwazzjoni pjuttost paradossali, fis-sens li qed nippruvaw noħolqu netwerk taċ-ċinema diġitali filwaqt li l-maġġoranza tal-produtturi tal-films għadhom jużaw il-pellikola bħala mezz għax-xandir tal-films tagħhom.

L-istess ħaġa tiġri fil-qasam tal-films 3D, fejn fil-maġġoranza tad-drabi d-distributuri jew l-operaturi jiċċarġjaw liċ-ċittadini Ewropej ftit euro iktar fuq kull biljett biex jaraw imitazzjoni fqira u nieqsa mill-kwalitajiet meħtieġa skont l-istandards tad-diġitalizzazzjoni. Ladarba l-master diġitali ma jiġix iffilmjat b’mod diġitali, ma jistax ikun hemm projezzjoni ġenwinament diġitali. Pereżempju, il-film Avatar ġie ffilmjat bit-teknoloġija 3D, u dan jispjega wkoll għalfejn attira miljuni ta’ spettaturi.

3.   Il-prerekwiżiti

3.1   Il-komunikazzjoni tikkunsidra bosta kunċetti ewlenin li jippromovu żona kulturali Ewropea komuni, li jibdew mill-prinċipju li l-proċess tad-diġitalizzazzjoni għandu jseħħ kif deskritt u għandu jkollu l-appoġġ finanzjarju indispensabbli.

3.1.1   L-AĠENDA EWROPEA GĦALL-KULTURA hija involuta fl-ogħla livell fir-rigward tal-promozzjoni taċ-ċinema Ewropea bħala katalista għat-trawwim tal-identitajiet Ewropej u għat-tqarrib tal-kulturi differenti tal-Unjoni.

3.1.2   L-ISTRATEĠIJA DIĠITALI GĦALL-EWROPA hija waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, fi ħdan suq diġitali uniku.

3.1.3   Is-suq uniku huwa l-fulkru li, minkejja d-diffikultajiet kollha, jiżgura l-moviment ħieles, permezz tal-fruntieri interni tal-Unjoni, tal-kontenut kulturali, tar-relazzjonijiet soċjali u tas-servizzi kummerċjali, billi jippermetti li ċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw bis-sħiħ mill-vantaġġi tal-era diġitali bis-saħħa tal-ħolqien ta’ suq diġitali uniku.

3.1.4   Il-Konvenzjoni tal-UNESCO, irratifikata mill-Unjoni Ewropea fl-2006, tipproponi l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u hija estremament utli biex jiġu identifikati l-azzjonijiet indispensabbli; ambizzjoni li l-Unjoni Ewropea għandha tikkonkretizza fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni tas-swali taċ-ċinema.

3.1.5   Il-Green Paper “L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi”. Minbarra l-kontribuzzjoni diretta tagħhom lill-PDG, l-industriji kreattivi u kulturali huma wkoll katalisti importanti tal-innovazzjoni ekonomika u soċjali f’ħafna setturi oħrajn.

3.1.6   Il-programm MEDIA 2007 huwa programm vast li jinkludi wkoll komponent ta’ taħriġ għall-professjonisti fl-industrija awdjoviżiva Ewropea. L-għan tiegħu huwa li jgħin lill-persuni li jaħdmu f’dan is-settur jadattaw ruħhom għad-dimensjoni Ewropea u internazzjonali tas-suq awdjoviżiv, billi jippromovi t-taħriġ kontinwu u l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda.

3.1.7   Il-finanzjament għad-diġitalizzazzjoni tas-swali taċ-ċinema, b’mod partikolari dawk fiż-żoni rurali, huwa nieqes u jeħtieġ li dan jiġi pprovdut permezz tal-fondi strutturali, kofinanzjament nazzjonali adegwat u billi l-Fond ta’ Garanzija ta’ Produzzjoni tal-MEDIA jsir aktar aċċessibbli għall-eżibituri.

4.   Analiżi tas-sitwazzjoni

4.1   Ir-rivoluzzjoni diġitali tqajjem kwistjonijiet politiċi fil-livelli reġjonali, nazzjonali u Ewropej:

il-kompetittività u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet Ewropej;

il-pluraliżmu u d-diversità lingwistika u kulturali.

Mingħajr dubju ta’ xejn dawn il-problemi għandhom jiġu analizzati u solvuti b’mod uniformi u ugwali mill-atturi kollha tal-UE.

4.2   Għandu jiġi osservat li fil-livell tal-għajnuniet mogħtija mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, sal-lum l-appoġġ finanzjarju kien riżervat għall-ħolqien u l-produzzjonijiet ċinematografiċi, għażla li fl-opinjoni tagħna hija ammirevoli u assolutament indispensabbli għall-promozzjoni tal-kultura ċinematografika fl-Istati Membri differenti, bil-kundizzjoni li jaqilbu għall-produzzjoni diġitali.

4.3   Barra minn hekk, il-komunikazzjoni tenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita għajnuna finanzjarja supplimentari kemm biex isir kopji ta’ referenza (masters) kif ukoll biex jiġu installati skrins diġitali, biex b’hekk numru ikbar ta’ spettaturi jkunu jistgħu jaraw dawn il-films, bil-kundizzjoni li jiġi ffinanzjat iċ-ċaqliq tal-persuni li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-bidla fit-teknoloġija.

4.4   It-test iqajjem il-kwistjoni tal-involviment fuq skala kbira tad-distributuri u l-operaturi tas-swali, liema involviment huwa indispensabbli biex tiġi garantita ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u biex tiġi żgurata d-diversità taċ-ċinema Ewropea. Il-fatt li d-distributuri jkunu wkoll il-produtturi tal-film m’għandux ikun problema, sakemm il-prezz tal-biljett tad-dħul ma jkunx eċċessiv. Għandu jiġi sfruttat l-interess kummerċjali tagħhom għall-benefiċċju taċ-ċinema diġitali nazzjonali jew Ewropea.

4.5   Fir-rebbiegħa tal-2008, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri nedew inizjattiva fit-tul billi ħolqu grupp ta’ esperti dwar iċ-ċinema diġitali. Id-diskussjonijiet taw prominenza lill-ħtieġa ta’ alternattiva għall-mudell VPF (Virtual Print Fee) eżistenti, billi fost l-oħrajn enfasizzaw li biex tiġi żgurata d-diġitalizzazzjoni jeħtieġ li tingħata għajnuna pubblika nazzjonali u li jingħata appoġġ finanzjarju mill-Unjoni Ewropea.

4.6   L-“investituri indermedjarji” jiffinanzjaw bil-quddiem it-tagħmir diġitali kollu għas-swali taċ-ċinema. Id-distributur għandu l-obbligu li, mill-ewwel projezzjoni, jirrimborża l-finanzjament – it-taxxa VPF – liema flus jintużaw biex jinxtara t-tagħmir diġitali.

4.7   Għalkemm il-komunikazzjoni tipprovdi xi eżempji ta’ finanzjament li jwassluna biex naħsbu li d-diġitalizzazzjoni miexja fit-triq it-tajba, xorta għad m’għandniex stampa ċara tal-progress tagħha, tal-effiċjenza tagħha, tal-istabbiltà tat-tagħmir u fuq kollox tal-kobor ta’ dan in-netwerk wiesa’ ta’ swali taċ-ċinema diġitali, wieħed mill-pilastri għat-twettiq tas-suq uniku li għandu l-għan li jiggarantixxi tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

4.8   Il-konsultazzjoni pubblika li l-Kummissjoni Ewropea bdiet fis-16 ta’ Ottubru 2009 dwar l-opportunitajiet u l-isfidi għaċ-ċinema Ewropea fl-era diġitali ġġenerat iktar minn 300 tweġiba minn eżibituri, distributuri, produtturi, aġenti tal-bejgħ, aġenziji tal-films, aġenziji professjonisti u kumpaniji tas-servizzi diġitali.

4.9   Il-Kumitat huwa tal-fehma li jekk irridu nilħqu din il-mira, dan il-proċess kontinwu ta’ sorveljanza għandu jiġi adattat għad-diversità kbira tal-kontenut kulturali Ewropew.

4.10   Matul is-snin, iċ-ċinema kellha tiffaċċja ħafna sfidi: il-films muti, is-sistema Technicolor, is-sistema tad-Dolby Sound, eċċ. L-isfida l-kbira tal-epoka attwali hija r-rivoluzzjoni diġitali.

4.11   Il-Kumitat jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni toħloq ukoll sfidi tekniċi u finanzjarji kbar relatati mal-ħżin, mal-preservazzjoni fit-tul u mal-aċċess, liema sfidi mhumiex diskussi fil-komunikazzjoni. Ma jeżisti l-ebda pjan fit-tul għall-ħżin diġitali, u l-ebda metodu li l-effiċjenza tiegħu hija evidenzjata għall-ħżin tal-kontenut diġitali fit-tul biex ikunu jista’ jintuża iktar tard. Midja li tiġi ssejvjata b’mod diġitali ddum isservi inqas minn dik issejvjata fuq film, l-ispejjeż iġġenerati huma ferm ogħla u l-kontenut diġitali jesperjenza tkabbir ġeometriku. Fl-istess ħin, hemm ukoll il-kwistjonijiet tal-aċċess, tal-oriġinalità u tal-awtentiċità.

4.12   Il-Kumitat jirrakkomanda li dawn l-isfidi jiġu indirizzati billi tiġi organizzata kooperazzjoni fil-livell settorjali, li fiha jieħdu sehem il-partijiet interessati kollha biex b’hekk jiġu stabbiliti sistemi ta’ ħżin u ta’ arkivjar adegwati, jiġu definiti standards komuni u jittieħdu deċiżjonijiet dwar finanzjament stabbli u affidabbli. Ir-rakkomandazzjonijiet dwar qafas koerenti ta’ ħżin u arkivjar diġitali jirrigwardaw b’mod partikolari l-aċċess ġarantit għal perjodu ta’ 100 sena, il-miżuri biex jiġu evitati perjodi twal ta’ nuqqasijiet jew diffikultajiet finanzjarji, il-kapaċità li jiġu prodotti kopji biex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet futuri tad-distribuzzjoni, il-kwistjoni dwar kwalità tal-immaġni u tal-ħoss li tkun tajba daqs l-oriġinal jew aħjar, kif ukoll il-protezzjoni mid-dipendenza fir-rigward ta’ pjattaformi teknoloġiċi instabbli.

4.13   L-istess komunikazzjoni tinsisti fuq vantaġġ li toffri d-distribuzzjoni diġitali: dak li tiżgura s-sopravivenza tal-arkivji ċinematografiċi u, sussegwentement, dak tad-distribuzzjoni fuq skala kbira tal-films klassiċi li inkella jintesew minħabba teknoloġija li m’għadhiex tintuża.

4.14   Barra minn hekk, id-diġitalizzazzjoni tippermetti li jitnaqqsu b’mod konsiderevoli l-ispejjeż fil-fażijiet tal-produzzjoni u tal-postproduzzjoni. Għalhekk, master diġitali (DSM, Digital Source Master) jista’ jintuża f’oqsma differenti: fiċ-ċinema, fil-“videos on demand” (VOD), fid-DVDs, fit-televiżjoni diġitali.

4.15   Id-distribuzzjoni diġitali toffri wkoll possibilità oħra ta’ importanza ewlenija: hija tnaqqas l-ostakoli kkawżati minn fruntieri fiżiċi, kulturali iżda fuq kollox minn dawk lingwistiċi sempliċement billi tippreżenta l-film oriġinali tradott fil-lingwa tal-pajjiż li fih se jintwera. Barra minn hekk, iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed jiżdiedu d-DVDs b’sottotitoli f’lingwi differenti.

4.16   Din il-proċedura diġitali tippermetti wkoll li d-direttur ta’ film jikkontrolla sal-aħħar mument il-kwalità tal-master diġitali (immaġni, effetti speċjali, dawl, mużika, effetti tal-ħoss, eċċ.)

4.17   Il-Kumitat jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li għandhom l-għan li jħeġġu lill-Istati Membri jappoġġjaw il-produzzjoni ċinematografika tagħhom biex japprofittaw minn din il-possibilità offruta mid-distribuzzjoni diġitali u biex jidħlu għall-isfida li jiggarantixxu, permezz tal-parteċipazzjoni attiva tagħhom f’din ir-rivoluzzjoni diġitali, futur ċert għal ċinema diġitali li permezz tagħha d-diversità multikulturali titqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini tal-UE.

4.18   Il-KESE jinsisti fuq il-potenzjal ta’ impjieg f’dan is-settur u fuq l-ispeċifiċità tal-karigi li joffri. Huwa essenzjali li mil-lum ninvestu fir-riżorsi umani biex niżguraw diffużjoni b’suċċess taċ-ċinema diġitali fl-Ewropa li għandha tiżgura l-kwalità u l-ispeċifiċità futuri tal-industrija ċinematografika Ewropea. Huwa importanti wkoll li kemm jista’ jkun titnaqqas l-ispiża soċjali għat-tranżizzjoni diġitali (pereżempju permezz ta’ taħriġ adegwat u miżuri ta’ sostituzzjoni), bħalma huma l-għoti tas-sensji lill-projezzjonisti u/jew lit-tekniki tal-laboratorji ċinematografiċi.

4.19   Id-deċiżjoni MEDIA 2007, fl-Artikolu 3(1)(c) tagħha, tipprevedi taħriġ professjonali li jikkunsidra mill-bidu nett it-teknoloġiji diġitali għall-produzzjoni, il-postproduzzjoni, id-distribuzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-arkivjar tal-programmi awdjoviżivi Ewropej. Il-programm MEDIA 2007 għandu jiġi rivedut u estiż biex l-eżiġenzi l-ġodda, minbarra dawk diġà definiti, jingħataw prijorità u jiġu ssodisfati.

4.20   Il-programm MEDIA 2007 jappoġġja wkoll l-aspett l-ieħor taċ-ċinema diġitali, id-distribuzzjoni u d-diffużjoni (l-Artikolu 5).

4.21   L-għajnuniet mill-Istat, allokati f’konformità mal-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE, jikkostitwixxu sors ieħor ta’ finanzjament. L-eżempji huma pjuttost numerużi, hekk kif wieħed jista’ jifhem mill-kuntest.

4.22   Standardizzazzjoni: fl-2002, sitt studji Amerikani kbar stabbilixxew sensiela ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi apposta għad-diġitalizzazzjoni: l-Inizjattiva taċ-Ċinema Diġitali (DCI).

4.23   Dawn l-ispeċifikazzjonijiet DCI ġew ippubblikati fl-2005 mis-Society of Motion Picture and Television Engineers (SMPTE) qabel ma ġew konvertiti fi standards għaċ-ċinema diġitali u adottati bħala standards internazzjonali mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istandards (ISO). Fl-2011, il-Kummissjoni qed tipproponi li tadotta rakkomandazzjoni, mistennija b’ħafna interess, dwar il-promozzjoni ta’ regoli Ewropej speċifiċi għaċ-ċinema diġitali Ewropew.

4.24   Fl-Ewropa l-persentaġġ tal-produzzjonijiet ċinematografiċi ffilmjati diġitalment u ta’ postproduzzjonijiet li jsiru b’mod diġitali, meta mqabbel ma’ dak tal-Istati Uniti, huwa tassew dgħajjef. F’dan ir-rigward għadna lura ħafna meta nqabblu lilna nfusna ma’ dan il-kompetitur kbir. Eżempju ċar: mill-films diġitali kollha li ġew prodotti fi Franza (30 film fl-2007,50 fl-2008), 35 kienu produzzjonijiet li saru fl-Amerka ta’ Fuq, 10 kienu produzzjonijiet Ewropej u 5 kienu produzzjonijiet indipendenti.

4.25   Bl-isforzi li qed nagħmlu sabiex jiġu żviluppati s-swali taċ-ċinema diġitali iżda, fl-istess ħin, mingħajr ma nappoġġjaw il-produzzjoni Ewropea tal-films diġitali, inkunu qed noqtlu b’idejna stess il-kreazzjonijiet ċinematografiċi Ewropej, u nkunu qed inċedu quddiem il-produzzjonijiet diġitali barranin.

4.26   F’każ li dan il-programm Ewropew vast ifalli, iċ-ċinema diġitali tkun tfisser il-falliment tal-idea ta’ koeżjoni Ewropea bbażata fuq il-konfigurazzjoni tal-kontenut multikulturali Ewropew.

4.27   Moral: Iċ-ċinema diġitali fl-Ewropa trid taqdef ħafna biex tirkupra d-distakk.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Laqgħa tas-6 ta’ Jannar 2011 bejn il-President Staffan NILSSON u l-Kummissarju Ewropew Michel BARNIER.


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/149


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali”

COM(2011) 146 finali

2011/C 248/26

Relatur ġenerali: is-Sur HENCKS

Nhar it-23 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ir-Riforma tar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għal Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali

COM(2011) 146 finali.

Nhar it-3 ta’ Mejju 2011, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju) li jaħtar lis-Sur Raymond HENCKS bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’136 vot favur, 6 voti kontra u 16-il astensjoni.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni, fid-djalogu tagħha mal-partijiet interessati, fetħet diskussjoni dwar analiżi mill-ġdid u kjarifika tar-regoli ta’ finanzjament tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

1.2

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ approċċ ġdid, iżjed diversifikat u proporzjonat għat-tipi differenti ta’ sevizzi pubbliċi u jaqbel li s-servizzi pubbliċi fuq skala żgħira u ċerti servizzi soċjali jiġu eżentati mill-bżonn ta’ notifikazzjoni.

1.3

F’dan il-kuntest, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiċċara, għal kull wieħed mill-metodi għall-finanzjament tal-kumpens marbut mal-obbligi tas-servizz pubbliku, jekk jirrispettawx il-kriterji Altmark u għalhekk ma jkunux soġġetti għar-regoli dwar “l-għajnuna mill-Istat”.

1.4

Bil-għan li ma jkunx hemm għalfejn niddependu aktar minn approċċ differenti għal kull każ speċifiku – leġislattiv jew litiġjuż – l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiċċara d-distinzjoni bejn is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (SIEĠ) u s-servizzi nonekonomiċi ta’ interess ġenerali (SNEIĠ) hija tajba, għalkemm wieħed irid jifhem li l-KESE għadu konvint li, fid-dawl tad-diffikultajiet li jiġi definit il-kunċett ta’ SIEĠ/SNEIĠ, l-enfasi għandha ssir mhux fuq in-natura ekonomika jew nonekonomika, iżda fuq il-kompitu speċifiku tas-servizzi inkwistjoni u fuq l-obbligi tas-servizz pubbliku.

1.5

Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li, f’dan il-kuntest, ir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-kumpensi marbuta mal-obbligi tas-servizz pubbliku fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jkunu iżjed demokratiċi għall-eluf ta’ awtoritajiet pubbliċi li jridu jimplimentawhom jekk ikunu suġġetti għall-applikazzjoni tal-proċedura leġislattiva ordinarja, b’konformità mal-Artikolu 14 tat-TFUE, bil-kundizzjoni li jkunu konformi mat-Trattat.

1.6

Filwaqt li ta’ min ifaħħar it-talba lill-Istati Membri biex jagħtu iżjed importanza lill-konsiderazzjonijiet marbuta mal-effiċjenza, din m’għandhiex però tiffoka fuq kriterji ekonomiċi biss, iżda għandha tqis ukoll l-aspetti soċjali, territorjali u ambjentali, kif ukoll kriterji bħall-kwalità, ir-riżultati u s-sostenibbiltà.

1.7

Madankollu, il-KESE jibża’ li l-introduzzjoni ta’ kunċett tal-effiċjenza tista’ twassal biex il-kriterji tal-valutazzjoni tad-deċiżjoni u l-qafas ma jiġux allinjati mar-raba’ kriterju tas-sentenza mogħtija fil-kawża ta’ Altmark. Barra minn hekk, hemm il-periklu li dan jiġi applikat għal kull kumpens, inklużi l-kumpensi mħallsa għas-servizzi pubbliċi eżentati min-notifikazzjoni.

1.8

Rigward l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiċċara l-limiti imposti fuq l-Istati Membri meta jiġu biex jiddefinixxu attività bħala SIEĠ, il-KESE ilu snin jitlob għal kjarifika tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 106(2) li huwa s-suġġett ta’ interpretazzjonijiet differenti.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-Istati Membri differenti nsibu sensiela sħiħa ta’ għajnuniet finanzjarji pubbliċi, ilkoll ta’ natura differenti, nibdew mill-għajnuna mill-Istat lill-impjieg, it-taħriġ, l-investiment, ir-riċerka, il-ħarsien tal-ambjent, l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, is-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ intrapriżi li qed jiffaċċjaw diffikultajiet, il-familji, il-persuni f’sitwazzjonijiet diffiċli, eċċ., u nispiċċaw bis-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ).

2.2

Fil-kuntest tar-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq intern, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jikkunsidra li l-għajnuna mill-Istat hija benefiċċju, ta’ liema natura tkun, mogħti fuq bażi selettiva mill-awtoritajiet nazzjonali lil intrapriża waħda jew iżjed.

2.3

Għalhekk, it-tip ta’ għajnuna li tista’ tissejjaħ għajnuna mill-Istat trid tissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:

tinvolvi trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kemm b’mod dirett, kif ukoll permezz ta’ korp pubbliku jew privat, hi x’inhi l-forma ta’ dawn ir-riżorsi (sovvenzjonijiet, skontijiet, garanziji ta’ self, kapital investit, kontribuzzjonijiet oħra, eċċ.);

ma tagħmilx parti mill-miżuri ġenerali iżda tibqa’ selettiva u hija diskriminatorja fir-rigward ta’ intrapriżi jew korpi oħra;

hija tagħti lill-benefiċjarju (intrapriża privata jew korp pubbliku bi skop ta’ qligħ jew le) vantaġġ ekonomiku li ma kienx jibbenefika minnu fil-qafas normali tal-attivitjiet ekonomiċi tiegħu;

għandha effett potenzjali fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

2.4

Fil-prinċipju, l-għajnuniet mill-Istat imsemmija hawn fuq huma pprojbiti mit-Trattat (l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE); madankollu, uħud minnhom huma awtorizzati jekk ikunu għal raġunijiet ta’ interess komuni (servizzi ta’ interess ġenerali, koeżjoni soċjali u reġjonali, impjieg, riċerka u żvilupp, żvilupp sostenibbli, promozzjoni tad-diversità kulturali, eċċ.) u biex jissewwew ċerti nuqqasijiet tas-suq, bil-kundizzjoni li ma joħolqux distorsjoni fil-kompetizzjoni tant li tmur kontra l-interess tal-UE.

2.5

Il-possibbiltà li l-Istati Membri jallokaw għajnuniet mill-Istat kienet marbuta ma’ sensiela ta’ atti leġislattivi u minn ġurisprudenza rikka u evoluttiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li stabbilixxew regoli vinkolanti għall-Istati Membri li jixtiequ jintroduċu dispożizzjonijiet ta’ din ix-xorta.

2.6

Għalhekk, bħala regola ġenerali, ħlief għal ċerti eċċezzjonijiet (għajnuna de minimis, għajnuna taħt livell determinat, għajnuna għal ċerti setturi speċifiċi), l-Istati Membri għandhom isegwu proċedura biex jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna li beħsiebhom jagħtu. L-għajnuna tista’ tiġi applikata biss wara li tingħata awtorizzazzjoni uffiċjali mill-Kummissjoni.

2.7

Il-Kummissjoni biss għandha s-setgħa tiġġudika jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mat-Trattat (għalkemm jista’ jsir rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea), u għalhekk għandha setgħat sostanzjali biex tinvestiga, tiddeċiedi u timponi sanzjonijiet f’dan il-qasam.

2.8

Is-SNIEĠ mhumiex affettwati mil-leġislazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

2.9

Rigward is-SIEĠ, il-mistoqsija mqajma mill-awtoritajiet nazzjonali hija dwar kif ikunu jafu jekk kumpens marbut mal-obbligu tas-servizz pubbliku huwiex għajnuna mill-Istat kompatibbli mat-Trattat fil-qafas tar-regoli tal-kompetizzjoni u s-suq intern.

2.10

B’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C-280/00 Altmark Trans GmbH), ma hemm l-ebda għajnuna mill-Istat għal SIEĠ ladarba jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet :

1.

l-obbligi tas-servizz pubbliku huma definiti b’mod ċar;

2.

il-parametri li fuqhom jissejsu l-kalkoli tal-kumpens jiġu stabbiliti minn qabel;

3.

il-kumpens tas-servizz pubbliku jkopri biss l-ispejjeż u profitt raġonevoli;

4.

jew l-intrapriza tintgħażel permezz ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku li tagħmilha possibbli li jintgħażel l-offerent li jista’ jipprovdi dawn is-servizzi bl-iżjed prezz baxx lill-komunità, inkella l-kumpens jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż ta’ intrapriża medja “mmexxija kif suppost” u attrezzata b’mod adegwat tas-settur ikkonċernat.

2.11

Wara s-sentenza mogħtija fil-kawża Altmark, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li kien hemm biss ftit każi ta’ kumpens li ssodisfaw dawn l-erba’ kundizzjonijiet, u li kull tip ta’ kumpens ieħor għalhekk, seta’ jitqies bħala “għajnuna mill-Istat”. Għalhekk, adottat il-pakkett Monti-Kroes li jispeċifika:

1.

permezz ta’ deċiżjoni – x’jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, iżda li ma hemmx bżonn li jiġi notifikat (Deċiżjoni 2005/842/KE dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat tal-KE/Artikolu 106(2) tat-TFUE rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku mogħti lil ċerti impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali);

2.

permezz ta’ qafas – il-metodi għall-valutazzjoni ta’ każi notifikati (Qafas Komunitarju 2005/C 297/04 dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għal servizz pubbliku (mhux disponibbli bil-Malti));

3.

approċċ ġdid għar-raba’ kriterju Altmark, li skontu l-kumpens jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-kompitu partikolari u mhux billi jsir paragun ma’ intrapriża medja “mmexxija kif suppost” u attrezzata b’mod adegwat.

2.12

Dan il-qafas, li għandu l-għan li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li taħthom il-kumpens għal servizz pubbliku huwa kompatibbli mas-“suq komuni”, fuq il-bażi tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE, ser jiskadi f’Novembru 2011.

2.13

Barra minn hekk, peress li kemm il-qafas kif ukoll id-deċiżjoni msemmija hawn fuq jipprevedu valutazzjoni tar-regoli li jistipulaw, il-Kummissjoni bdiet teżamina mill-ġdid il-pakkett Monti-Kroes. B’mod aktar speċifiku, fl-2008/2009 hija talbet lill-Istati Membri jressqu rapport dwar l-applikazzjoni tal-pakkett attwali u, fl-2010 nediet konsultazzjoni pubblika dwar il-kwistjoni.

2.14

Fuq il-bażi ta’ dawn iż-żewġ azzjonijiet, il-Kummissjoni ħejjiet xi linji gwida ġenerali li jidhru f’din il-Komunikazzjoni. L-għan huwa li sa Lulju li ġej titnieda diskussjoni preliminari mal-istituzzjonijiet Ewropej u l-partijiet interessati l-oħra qabel ma tħejji abbozzi ta’ dokumenti ġodda.

3.   Kontenut tal-Komunikazzjoni

3.1

Fid-dawl tal-għan li jitfasslu “strumenti aktar ċari, aktar sempliċi, [u] aktar proporzjonati”, il-Komunikazzjoni tfittex li:

tiċċara

id-distinzjoni bejn l-attivitajiet ekonomiċi u dawk nonekonomiċi,

il-limiti imposti fuq l-Istati Membri meta jiġu biex jiddefinixxi attività ekonomika bħala SIEĠ,

il-forniment tagħhom bl-inqas spiża possibbli, bl-iktar mezzi effiċjenti u effettivi,

l-interazzjoni tagħhom mar-regoli settorjali applikabbli għas-SIEĠ;

tadotta approċċ iżjed diversifikat u proporzjonat fir-rigward tat-tipi differenti ta’ servizzi pubbliċi;

tissemplifika l-applikazzjoni tar-regoli għal ċerti tipi ta’ servizzi pubbliċi fuq skala żgħira pprovduti fil-livell lokali u li għandhom impatt limitat fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u għal ċerti tipi ta’ servizzi soċjali ta’ interess ġenerali;

tagħti iżjed importanza lil kwistjonijiet marbuta mal-effiċjenza u l-kompetizzjoni fil-każ ta’ servizzi kummerċjali fuq skala kbira b’dimensjoni Ewropea ċara.

4.   Rimarki ġenerali

4.1

Il-KESE jappoġġja lill-Istati Membri u partijiet oħra kkonċernati direttament li, jew fir-rapport dwar l-applikazzjoni tal-pakkett attwali Monti-Kroes, jew matul il-konsultazzjoni pubblika dwar il-kwistjoni, talbu li jerġgħu jiġu eżaminati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, bil-għan li jitneħħew l-inċertezzi legali u jinstab bilanċ iżjed armonjuż bejn l-interessi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Huwa partikolarment importanti li l-eżenzjonijiet li jeżistu diġà f’ċerti oqsma (b’mod partikolari dawk marbuta mar-reklutaġġ ta’ gruppi vulnerabbli bħall-persuni b’diżabbiltà) jinżammu.

4.2

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ approċċ iżjed diversifikat u proporzjonat għat-tipi differenti ta’ servizzi pubbliċi, u li għandu l-għan li jiċċara r-regoli tal-finanzjament. Barra minn hekk, huwa jaqbel li s-servizzi pubbliċi fuq skala żgħira u ċerti servizzi soċjali li, madankollu, għad irid jiġu definiti, jiġu eżentati min-notifikazzjoni.

4.3

Il-KESE jistaqsi, f’dan il-kuntest, x’wassal lill-Kummissjoni li tillimita l-eżenzjoni min-notifikazzjoni għas-servizzi fuq skala żgħira għal dawk ta’ natura lokali, minkejja li l-kundizzjoni li l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma għandux jiġi affettwat għandha tkun biżżejjed fil-livell lokali u reġjonali u anke dak nazzjonali.

4.4

Skont il-Komunikazzjoni, l-analiżi mill-ġdid tal-pakkett tagħmel parti mill-għanijiet usa’ tal-Kummissjoni fil-qasam tas-servizzi pubbliċi, u b’mod partikolari tal-Komunikazzjoni tagħha “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”, u tal-Istrateġija UE 2020.

4.5

F’dan il-kuntest, il-KESE jfakkar li fl-opinjoni tiegħu “Lejn Att dwar is-Suq Uniku” (INT/548 tal-15.3.2011) qal li: “L-għan tal-Komunikazzjoni u miżuri oħra dwar is-servizzi pubbliċi għandu jkun li jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-iżvilupp u t-titjib tas-servizzi pubbliċi tagħhom b’konformità mal-protokoll dwar is-SIĠ”.

4.6

F’dan il-kuntest, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiċċara, għal kull wieħed mill-metodi għall-finanzjament tal-kumpens marbut mal-obbligi tas-servizz pubbliku, jekk jirrispettawx il-kriterji Altmark u għalhekk mhumiex soġġetti għar-regoli dwar “l-għajnuna mill-Istat”. Attwalment, hemm ċertu nuqqas ta’ għarfien dwar il-proċeduri ta’ notifikazzjoni u d-diversi eżenzjonijiet. Dan iwassal għal tnaqqis fis-suq, peress li l-organizzazzjonijiet li jiddependu mill-kumpensi sabiex jipprovdu servizz effettiv ma jkunux jistgħu jikkompetu, u dan għandu impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini tal-UE li jisfaw imċaħħda minn servizzi ta’ kwalità u aċċessibbli.

4.7

Fil-fehma tal-KESE, il-fatt li tissemma distinzjoni bejn is-servizzi ekonomiċi u nonekonomiċi fil-protokoll dwar is-SIĠ – mingħajr, madankollu, ma tissolva l-problema ta’ kif niddistingwu bejn dawn iż-żewġ kategoriji – huwa xhieda tal-bżonn ta’ kjarifika tal-kunċetti u s-sistemi inkwistjoni, inkluż ir-rwol tal-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u l-kunċett ta’ “profitt raġonevoli”, bil-għan li ma nibqgħux niddependu minn approċċ esklużiv skont il-każ ikkonċernat, kemm jekk hu leġislattiv jew litiġjuż. Minħabba l-għanijiet doppji tal-politika soċjali u tal-politika tal-kompetizzjoni, hemm bżonn ta’ kunċett aktar ċar ta’ “profitt raġonevoli”. Għaldaqstant, ikun aktar ta’ għajnuna jekk il-livell Ewropew ikun jista’ jipprovdi linji ta’ gwida regolatorji u interpretazzjoni tal-konsiderazzjonijiet f’dan il-qasam.

4.8

Għalhekk, nappoġjaw l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiċċara d-distinzjoni bejn is-SIEĠ u s-SNEIĠ. Kif il-KESE diġà qal fl-opinjoni tiegħu “Il-futur tas-servizzi ta’ interess ġenerali” (CESE 976/2006 – mhux disponibbli bil-Malti), id-distinzjoni bejn servizzi ekonomiċi u nonekonomiċi għadha vaga u inċerta.

4.9

Għalhekk, il-KESE għadu konvint li, fid-dawl, minn naħa, tad-diffikulatjiet li jiġi definit il-kunċett ta’ SNEIĠ/SIEĠ b’mod eżawrjenti, u min-naħa l-oħra, tar-riskju involut f’approċċ restrittiv, l-enfasi ma għandhiex issir fuq in-natura ekonomika jew nonekonomika tagħhom, iżda fuq il-kompitu speċifiku tas-servizzi kkonċernati u fuq l-esiġenzi (obbligi tas-servizz pubbliku) li jiġu imposti fuqhom minn awtorità pubblika biex jissodisfaw il-kompitu tagħhom u jridu jiġu stabbiliti b’mod ċar.

4.10

Permezz tal-protokoll tas-SIĠ, it-Trattat ta’ Lisbona introduċa gwida għall-użu tar-regoli dwar is-SIĠ, kemm dawk ekonomiċi kif ukoll dawk nonekonomiċi, u, permezz tal-Artikolu 14, introduċa wkoll bażi legali ġdida għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, li fada lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew bl-inkarigu li jistabbilixxu, permezz ta’ regolamenti b’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja, il-prinċipji u l-kundizzjonijiet, b’mod partikolari dawk ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom jaqdu l-kompiti tagħhom.

4.11

Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li, f’dan il-kuntest, ir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-kumpensi marbuta mal-obbligi tas-servizz pubbliku fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat jistgħu jkunu iżjed demokratiċi għall-eluf ta’ awtoritajiet pubbliċi li jridu jimplimentawhom jekk ikunu suġġetti għall-applikazzjoni tal-proċedura leġislattiva ordinarja, b’konformità mal-Artikolu 14 tat-TFUE, bil-kundizzjoni li jkunu konformi mat-Trattat.

4.12

Il-KESE jaqbel mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li titlob lill-Istati Membri jagħtu iżjed importanza lill-konsiderazzjonijiet marbuta mal-effiċjenza. Il-Kummissjoni m’għandhiex però tiffoka fuq kriterji ekonomiċi biss, iżda għandha tqis ukoll l-aspetti soċjali, territorjali u ambjentali, fid-dawl tal-kompiti partikolari ta’ kull SIEĠ definiti mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-Kummissjoni m’għandhiex tillimita l-kriterji tal-“effiċjenza” għal konsiderazzjonijiet fuq perjodu qasir ta’ żmien biss iżda għandha tqis ukoll il-kwalità, ir-riżultati u s-sostenibbiltà tas-servizzi, speċjalment meta tipprovdi servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu ukoll l-ispeċifiċitajiet tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali (kooperattivi, mutwalitajiet, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet).

4.13

Parti mdaqqsa mis-servizzi ta’ interess ġenerali, bħas-servizzi soċjali jew dawk tas-saħħa, huma kkaratterizzati minn relazzjoni asimmetrika bejn il-provvedituri u l-benefiċjarji, li hija differenti minn relazzjoni kummerċjali tat-tip fornitur-konsumatur. Is-servizzi ta’ interess ġenerali ta’ spiss jipprovdu soluzzjonijiet adattati għal każijiet speċifiċi, li jqisu l-ispeċifiċitajiet tas-sitwazzjoni u l-bżonnijiet tal-utenti. Dawn jistgħu jiffunzjonaw biss b’konformità mal-prinċipju tas-solidarjetà u huwa dipendenti bil-bosta minn fondi pubbliċi. Il-KESE jixtieq jitlob lill-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni biex tirrevedi liema servizzi pubbliċi fil-qasam tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (SSIĠ) jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni totali peress li ma jolqtux b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni jew joffru opportunitajiet transkonfinali.

4.14

Permezz ta’ dan il-kriterju tal-effiċjenza, il-kriterji tal-valutazzjoni tad-deċiżjoni u l-qafas jiġu allinjati mar-raba’ kriterju tas-sentenza mogħtija fil-kawża ta’ Altmark. Madankollu, hemm il-periklu li dan jiġi applikat għal kull kumpens, inklużi l-kumpensi mħallsa għas-servizzi pubbliċi fuq skala żgħira pprovduti fil-livell lokali u b’impatt limitat fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, u għal ċerti servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, li però l-Kummissjoni beħsiebha teżentahom min-notifikazzjoni u tikkunsidrahom bħala kompatibbli mas-suq intern. Dan ifisser li dawn is-servizzi għadhom suġġetti għal kontroll ex post, jew għal inċertezza legali ġdida.

4.15

Inċertezza ta’ din ix-xorta teżisti wkoll fir-rigward tal-kompetenza li l-Kummissjoni tattribwixxi lilha nnifisha biex tivvaluta l-effiċjenza, mentri l-qorti, fil-kawża M6/TF1 (T-568/08 u T573/089), ma tippermettilhiex din il-kompetenza.

4.16

Rigward l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiċċara l-limiti imposti fuq l-Istati Membri meta jiġu biex jiddefinixxu attività bħala SIEĠ, il-KESE ilu snin jitlob għal kjarifika tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 106(2), li huwa s-suġġett ta’ interpretazzjonijiet differenti peress li, minn naħa, huwa ppreżentat bħala deroga jew eċċezzjoni mir-regoli ġenerali tat-Trattat (ara l-Komunikazzjoni tal-20 ta’ Novembru 2007), mentri min-naħa l-oħra, fil-White Paper tal-2004 ntqal li “l-eżekuzzjoni effettiva ta’ kompitu ta’ interess ġenerali tiġi qabel, f’każ ta’ tensjoni, l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat”.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/153


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrigwarda t-tajers ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom kif ukoll it-twaħħil tagħhom (Kodifikazzjoni)”

COM(2011) 120 finali – 2011/0053 (COD)

2011/C 248/27

Nhar l-1 ta’ April 2011, il-Kunsill u, nhar l-24 ta’ Marzu 2011, il-Parlament Ewropew iddeċiedew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrigwarda t-tajers ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom kif ukoll għat-twaħħil tagħhom (Kodifikazzjoni)

COM(2011) 120 finali – 2011/0053 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m'hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju), b'157 vot favur, vot kontra u 8 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 248/154


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (Kodifikazzjoni)”

COM(2011)189 finali – 2011/0080 COD

2011/C 248/28

Nhar l-10 ta’ Mejju 2011, il-Parlament Ewropew u nhar it-3 ta’ Mejju 2011 il-Kunsill, iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (Kodifikazzjoni)

COM(2011) 189 finali – 2011/0080 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li barra minn hekk diġà ta fehmtu fl-opinjoni tiegħu CESE 23/81, adottata fid-29 ta’ April 1981 (1), iddeċieda, matul l-472 sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u tas-16 ta’ Ġunju 2011 (seduta tal-15 ta’ Ġunju 2011), b'154 vot favur, 2 voti kontra u 10 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokument imsemmi.

Brussell, 15 ta’ Ġunju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  L-opinjoni tal-KESE dwar il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-valutazzjoni tal-effetti ambjentali ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati, ĠU C 185, 27.07.1981, p.8.