|
ISSN 1725-5198 doi:10.3000/17255198.C_2011.195.mlt |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 195 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 54 |
|
Avviż Nru |
Werrej |
Paġna |
|
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet |
|
|
|
OPINJONIJIET |
|
|
|
Il-Qorti tal-Awdituri |
|
|
2011/C 195/01 |
||
|
MT |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet
OPINJONIJIET
Il-Qorti tal-Awdituri
|
2.7.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 195/1 |
L-OPINJONI Nru 4/2011
dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Modernizzazzjoni tal-Politika ta' Akkwist Pubbliku
(skont l-Artikolu 287(4), TFUE)
2011/C 195/01
Il-Qorti tilqa' l-opportunità li tikkontribwixxi għad-dibattitu miftuħ ibbażat fuq il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-politika ta' akkwist pubbliku tal-Unjoni Ewropea, kemm bħala l-awditur estern tal-baġit tal-Unjoni Ewropea u bħala Istituzzjoni pubblika li taġixxi hi stess bħala awtorità kontraenti.
L-esperjenza tal-Qorti meta tkun qed tagħmel verifika ta' akkwisti pubbliċi tissuġġerixxi li problemi rikorrenti dwar nuqqas ta' konformità huma marbuta ma' implimentazzjoni dgħajfa ta' regoli eżistenti u li għad hemm lok sostanzjali għal titjib fil-livell ta' implimentazzjoni.
Il-Qorti tinnota l-ambizzjoni tal-Green Paper fir-rigward tal-objettivi, li huma numerużi ħafna u xi kultant konfliġġenti. Dawn l-objettivi abbundanti jeħtieġ li ssirilhom għażla raġunata, filwaqt li jiġi meqjus li ż-żidiet fl-ispejjeż u l-kumplessità jistgħu jinvolvu aktar riskji għall-kost-effettività u għall-konformità legali.
Il-Qorti tosserva li jista' jsir xi titjib biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi kemm għall-awtoritajiet kontraenti u għall-impriżi; iżda dan m'għandux isir bi ħsara għall-prinċipji ewlenin ta' aċċess ugwali, kompetizzjoni ġusta u użu effiċjenti ta' fondi pubbliċi. Xi lakuni, oqsma li mhumiex ċari jew ambigwi fil-qafas legali kurrenti jinvolvu riskji għas-sigurtà legali tal-operaturi kollha u għall-integrità tal-proċeduri. Dan jista' jitlob li r-regoli jiġu speċifikati b'mod aktar ċar.
IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 287(4) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-modernizzazzjoni tal-politika ta' akkwist pubbliku tal-Unjoni Ewropea (1),
Billi:
il-Kummissjoni varat, abbażi ta' Green Paper, kunsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar il-modernizzazzjoni tal-politika ta' akkwist pubbliku tal-Unjoni Ewropea, bl-għan li jsir allinjament ta' din il-politika għall-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (2),
l-esperjenza tal-Qorti meta tkun qed tagħmel verifika ta' akkwisti pubbliċi tissuġġerixxi li problemi rikorrenti dwar nuqqas ta' konformità (3), li jwasslu għal żbalji sinifikanti li jaffettwaw il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet, huma marbuta ma' implimentazzjoni dgħajfa ta' regoli eżistenti u li għad hemm lok sostanzjali għal titjib fil-livell ta' implimentazzjoni,
il-Qorti tilqa', madankollu, l-opportunità li tikkontribwixxi għad-dibattitu u taqsam l-esperjenza tagħha f'dan il-qasam, kemm bħala awditur estern tal-baġit tal-Unjoni Ewropea u bħala Istituzzjoni pubblika li taġixxi hi stess bħala awtorità kontraenti
ADOTTAT DIN L-OPINJONI:
Iffissar ta' objettivi ċari u realistiċi
|
1. |
Il-Qorti tinnota li l-Istrateġija Ewropa 2020 tiddikjara li l-akkwist pubbliku għandu (a) itejjeb il-kundizzjonijiet ta' qafas għall-innovazzjoni tan-negozji billi jagħmel użu sħiħ mill-politika orjentata fuq id-domanda, (b) jappoġġa l-bidla lejn ekonomija b'użu effiċjenti tar-riżorsi u bi ftit karbonju, eż. billi jinkoraġġixxi użu usa’ ta’ akkwist pubbliku favur l-ambjent, u (c) itejjeb l-ambjent tan-negozju, speċjalment għal impriżi innovattivi ta' daqs medju; barra minn dan, l-Istrateġija Ewropa 2020 tisħaq li l-politika ta’ akkwist pubbliku trid tiżgura l-aktar użu effiċjenti ta' fondi pubbliċi, u li s-swieq tal-akkwist iridu jinżammu miftuħa mal-Ewropa kollha. Il-Qorti tinnota wkoll li l-objettivi t'hawn fuq huma komplementati jew spjegati mill-Green Paper li ssemmi li r-regoli ta’ akkwist pubbliku għandhom: (a) iżidu l-effiċjenza tal-infiq pubbliku billi jiġġeneraw il-kompetizzjoni l-aktar b'saħħitha possibbli u jissemplifikaw proċeduri tal-akkwist billi jimmiraw lejn miżuri semplifikati li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-awtoritajiet kontraenti; (b) jippermettu lil dawk li r-regoli jkunu japplikaw għalihom biex jagħmlu użu aħjar mill-akkwist pubbliku b'appoġġ għal miri komuni tas-soċjetà, bħall-ħarsien tal-ambjent, il-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-inklużjoni soċjali u jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-għoti ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja; (c) jimpedixxu u jiġġieldu kontra l-korruzzjoni u l-preferenzi; (d) jittrattaw il-kwistjoni dwar kif jista' jitjieb l-aċċess ta' impriżi Ewropej għal swieq ta' pajjiżi terzi; (e) u jassiguraw aħjar iċ-ċertezza legali għal awtoritajiet kontraenti u impriżi. |
|
2. |
Il-Qorti tosserva li l-Kummissjoni hija konxja li jista' jkun hemm kunflitti bejn l-objettivi diversi li huma assenjati mill-Green Paper lir-riforma u li dawn l-objettivi differenti jsarrfu f’għażliet politiċi li jistgħu jimmiraw lejn direzzjonijiet differenti u se jeħtieġu għażla raġunata aktar ’il quddiem. Il-Qorti ssib li din ir-rimarka tal-Kummissjoni hija tal-akbar importanza għas-suċċess tal-proċess varat. Hi tqis li huwa essenzjali għall-Kummissjoni l-ewwel li tiddefinixxi l-objettivi tagħha b'mod ċar u distintiv u mbagħad tartikulahom sew jew saħansitra jekk possibbli tagħtihom prijorità. Il-Qorti tosserva, f'dan ir-rigward, li l-introduzzjoni ta' objettivi ġodda fil-politika ta’ akkwist pubbliku tal-UE, kif previst mill-Istrateġija Ewropa 2020, tista' twassal għal żieda fil-kumplessità fil-qafas legali, u għalhekk għal aktar diffikultajiet fl-indirizzar ta' objettivi oħra stabbiliti mir-riforma, bħall-assigurazzjoni ta' ċertezza legali aħjar għall-awtoritajiet kontraenti u l-impriżi. |
|
3. |
Il-Qorti tenfasizza li l-mezzi użati biex jinkisbu l-objettivi assenjati jistgħu, għalkemm huma xierqa għal uħud minnhom, iġibu magħhom effetti mhux mixtieqa kontra l-ikkompletar ta' xi objettivi oħra. F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-ġeneralizzazzjoni ta' proċeduri negozjati meqjusa fil-Green Paper, għalkemm hija għodda relevanti li tikkontribwixxi għall-ftuħ tas-swieq u għaż-żieda fl-effiċjenza proċedurali, tista' twassal għal effetti negattivi dwar l-objettiv ta' prevenzjoni tal-frodi u tal-korruzzjoni, billi tagħti aktar poter ta' diskrezzjoni lill-awtoritajiet kontraenti. Bl-istess mod, l-espansjoni ta' akkwist konġunt, bl-għan prinċipali li tiffranka l-ħin u l-ispejjeż assoċjati mal-organizzazzjoni ta' proċeduri tal-offerti multipli mill-awtoritajiet kontraenti, mhijiex faċli biex tirrikonċilja mal-miżura proposta biex tagħmel suddiviżjoni tal-offerti f'lottijiet numerużi sabiex tiffaċilita l-aċċess għall-akkwist pubbliku għal impriżi żgħar u ta' daqs medju. |
|
4. |
Miżuri leġiżlattivi biex jinkiseb wieħed mill-objettivi stipulati jistgħu jipproduċu effetti mhux mixtieqa għall-ksib ta' xi objettivi oħra. Il-Qorti tenfasizza f'dan ir-rigward li mhuwiex biżżejjed li jiġu evalwati r-riskji konnessi mal-introduzzjoni ta' miżura leġiżlattiva ġdida u li jiġu identifikati mezzi biex dawn jitnaqqsu. Ir-riskji għandhom ikunu vvalutati wkoll, skont kemm dawn huma serji u skont il-probabbiltà tagħhom li dawn jimmaterjalizzaw u jekk il-mezzi biex dawn jitnaqqsu jkunu sproporzjonati, iridu jiġu esplorati soluzzjonijiet alternattivi. |
|
5. |
Mhuwiex ir-rwol tal-Qorti li tixħet dubju fuq l-objettivi tal-politika mmirati mill-Kummissjoni permezz tal-proċess ta' riforma varat. Il-Qorti madankollu tfakkar li, ikunu xi jkunu dawn l-objettivi, dawn m'għandhomx jaffettwaw l-objettivi bażiċi tal-qafas legali tal-akkwist pubbliku, jiġifieri r-rispett lejn il-prinċipji ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni, it-trattament ugwali u t-trasparenza, u l-kisba għall-awtoritajiet kontraenti u għal dawk li jħallsu t-taxxi għall-aqwa riżultati possibbli ta' akkwist pubbliku għall-inqas investiment possibbli fir-rigward ta' ħin u flus tal-pubbliku. F'dan il-kuntest, il-Qorti tagħti valur konsiderevoli għall-kisba tal-objettiv taċ-ċertezza legali, li timplika l-istabbiltà tal-qafas legali li jirregola l-akkwist pubbliku. Bħala konsegwenza, din tikkunsidra, li kwalunkwe riforma li se tiġi introdotta għandha tkun sostnuta minn ħtiġijiet urġenti li jiġġustifikawha. |
|
6. |
Għalkemm mhuwiex fil-mandat tal-Qorti li din tesprimi ruħha dwar sa liema punt il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku għandhom jintużaw aħjar b'appoġġ għal politiki u miri tas-soċjetà oħra (bħall-protezzjoni għall-ambjent, l-effiċjenza fl-enerġija u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tal-innovazzjoni u l-inklużjoni soċjali), il-Qorti tqis li l-introduzzjoni ta' aktar kundizzjonijiet għal-legalità ta' proċedura ta' akkwist pubbliku tista' żżid l-ispejjeż u l-kumplessità, u għaldaqstant tinvolvi aktar riskji għall-kost-effettività u l-konformità legali. Barra minn dan, il-Qorti tosserva li r-regoli preżenti, inkluż il-kunċett tal-"offerta ekonomika l-aktar vantaġġuża", jipprovdu ftit flessibbiltà biex jakkomodaw elementi kwantitattivi u fuq perjodu twil (bħal ċiklu tul il-ħajja u spejjeż operattivi), u jistgħu jintużaw biex jitnaqqas l-ambitu tal-kriterju tal-prezz, mingħajr ma tiġi eliminata l-ħtieġa li jiġu bbażati deċiżjonijiet fuq ir-relazzjoni bejn il-prezz u l-kwalità. |
|
7. |
Il-Qorti tifhem li tista' tingħata attenzjoni partikolari għall-aċċess tal-impriżi ż-żgħar u ta' daqs medju għall-akkwist pubbliku. Din osservat livell globalment baxx tat-tweġibiet tagħhom għall-offerti, u kopertura Ewropea limitata. Aċċess insuffiċjenti għal informazzjoni, kif ukoll spejjeż amministrattivi, jirrappreżenta ostaklu sinifikanti għall-parteċipazzjoni effettiva tagħhom. L-għoti ta' taħriġ u informazzjoni jew help desks reġjonali, jista’ jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-impriżi żgħar u ta' daqs medju. Madankollu, il-Qorti kieku ma tkunx favur li jiġi obbligat offerent rebbieħ biex jissubkuntratta sehem mil-kuntatt ewlieni, minħabba li d-diffikultajiet legali u prattiċi ta' dawn id-dispożizzjonijiet kieku jegħlbu l-vantaġġi tagħhom. |
Kjarifika tal-qafas legali u t-taffija tal-piż amministrattiv
|
8. |
Il-Qorti tqis bħala neċessarju li xi kunċetti u ideat bażiċi jkunu rfinati sabiex titjieb iċ-ċertezza legali għall-awtoritajiet kontraenti u l-impriżi. Ir-regoli jistgħu jkunu semplifikati iżda wkoll iċċarati b'qafas aktar komplut u dettaljat. |
|
9. |
Il-Qorti tqis li l-qafas legali l-ġdid għandu jinkorpora "regoli" li ġejjin mill-ġurisprudenza tal-UE, minħabba li fil-fatt bosta proposti inklużi fil-Green Paper huma ġejjin mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE jew minn deċiżjonijiet tat-Tribunal. Il-Qorti hija tal-opinjoni li l-awtoritajiet kontraenti jeħtieġu gwida preċiża bbażata fuq regoli li huma faċilment aċċessibbli għal kulħadd. F'dan ir-rigward, madankollu, xi analiżi, kif imwettqa mill-Kummissjoni, hi meħtieġa qabel ma tiġi inkorporata fil-corpus ġuridiku kwalunkwe "regola" ġdida ta’ akkwist pubbliku li ġejja mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
10. |
Il-Qorti ssib li l-ambitu tad-Direttivi kurrenti jaffettwa s-sigurtà legali tal-partijiet kollha, speċjalment fil-każ fejn impriżi privati jirċievu għotjiet pubbliċi. Din tqis li huwa importanti li tiċċara, f'regoli futuri ta’ akkwist tal-UE, il-qasam tagħhom ta' applikabbiltà u li tevita li tfixkel id-distinzjoni bejn l-akkwist pubbliku u s-sussidji. Bl-istess mod, kieku, tintlaqa’ l-kjarifika dwar id-definizzjoni ta' dawk soġġetti għar-regoli ta’ akkwist pubbliku, kif ukoll l-ambitu u l-kriterji għall-koperazzjoni tal-pubbliku mal-pubbliku. Barra minn hekk, kieku jkun possibbli li jiġu riveduti distinzjonijiet fil-leġiżlazzjoni (eż. bejn xogħlijiet, provvisti, kuntratti ta' servizzi), limitazzjonijiet (servizzi A u B) jew esklużjonijiet, jekk dawn huma maħsuba li mhumiex neċessarji. |
|
11. |
Il-Qorti tqis li l-limitu kurrenti ta' għażliet proċedurali stipulati fid-Direttivi huwa sodisfaċenti b'mod ġenerali. Huwa importanti li jiġu evitati kwalunkwe proċeduri li jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni, inqas trasparenza, jew li jistgħu jdgħajfu l-prinċipju ta' kompetizzjoni ġusta u kompetittiva. F'dan ir-rigward, proċeduri aċċellerati, kif ukoll użu possibbli ġeneralizzat ta' proċedura negozjata jinvolvu b'mod ċar riskji għolja li għalihom sforz sproporzjonat jista' jkun neċessarju biex jikkontrollahom. Min-naħa l-oħra, huwa importanti, meta tkun qed tintgħażel proċedura ta' akkwist, li titqies l-istruttura tal-provvista, u l-karatteristiċi tas-suq. Għaldaqstant, l-użu ta' proċedura miftuħa jista' ma jkunx adegwat meta l-kompetizzjoni tkun de facto mnaqqsa għal raġunijiet diversi (speċifikazzjonijiet tekniċi, drittijiet ta' esklussività, ftehimiet meħtieġa, struttura tas-swieq għal oġġetti speċifiċi, sitwazzjoni tas-suq lokali, eċċ). |
|
12. |
Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Green Paper tenfasizza bix-xieraq xi lakuni fil-qafas legali, li jistgħu jinvolvu riskji għas-sigurtà legali, speċjalment fil-fażi tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-Qorti tqis li l-kjarifiki, ibbażati fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiġu introdotti fil-qafas legali tal-UE, biex jirregolaw il-każ ta' " modifiki sostanzjali" ta' kuntratt fis-seħħ, kif ukoll il-bidliet dwar il-kuntrattur u t-tmiem tal-kuntratti. Madankollu, f'dawn il-każijiet, meta tkun se tiġi organizzata proċedura ġdida ta' offerti, m'hemmx raġuni li tiġġustifika li din tista' tkun aktar flessibbli. Ir-regoli ta’ akkwist għandhom jippermettu wkoll l-awtoritajiet kontraenti biex jillimitaw il-possibbiltà tas-subkuntrattar sa ċertu livell, biex jiġu evitati diffikultajiet legali u prattiċi li jistgħu jinqalgħu meta parti kbira jew il-kuntratt kollu jitwettaq minn subkuntratturi. |
|
13. |
Il-Qorti tqis li jekk il-piż amministrattiv jittaffa permezz ta' miżuri bħall-preżentazzjoni u l-verifikazzjoni ta' evidenza għal kandidati li jinsabu biss fuq lista mqassra, awtodikjarazzjonijiet (għar-riskju tal-offerenti), jew evidenza proporzjonata dwar kapaċità finanzjarja, kieku tkun ta' benefiċċju kemm għall-operaturi ekonomiċi (speċjalment impriżi żgħar u ta' daqs medju) u awtoritajiet kontraenti. Aktar miżuri biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u jiġu indirizzati b'mod aktar effiċjenti l-ħtiġijiet ta' awtoritajiet kontraenti jistgħu jinkludu l-użu ta' xiri semplifikat bl-aktar prezz baxx għall-hekk imsejħa "oġġetti u servizzi kummerċjali", aktar flessibbiltà fl-eżaminazzjoni tal-kriterji tal-għażla u tal-għoti, promozzjoni, speċjalment għal awtoritajiet kontraenti żgħar, proċeduri disponibbli diġà (korpi ċentrali ta' xiri, ftehim ta' qafas) jew żvilupp ta' aktar għodod flessibbli, bħal proċedura negozjata, taħt ċertu limitu marbuta ma' standard referenzjarju. Madankollu, flessibbiltà żejda fil-proċeduri tista' tinvolvi riskji ta' abbuż u diskriminazzjoni. |
|
14. |
Fir-rigward tal-integrità tal-proċeduri, il-Qorti hija konxja sew li l-akkwist pubbliku huwa żona riskjuża fejn imġiba u prattiki mhux sodi, bħal kunflitti ta' interess, preferenzi, frodi u korruzzjoni, jistgħu jseħħu fl-istadji kollha, ifixklu l-kompetizzjoni ġusta u jiskoraġġixxu l-offerenti. Biex jitnaqqsu dawn ir-riskji, huma neċessarji sforzi komuni fil-livell nazzjonali u tal-UE. Il-kjarifika, fil-livell tal-UE, ta' xi definizzjonijiet (bħal "kunflitt ta' interess", "kondotta professjonali ħażina"), u l-introduzzjoni ta' miżuri biex jiġu evitati, jinsabu u jiġu skoraġġiti prattiki mhux sodi (taħriġ, awtodikjarazzjonijiet, kodiċi tal-kondotta, sanzjonijiet awtomatiċi, protezzjoni tal-whistleblowers, skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-esklużjoni ta' offerenti mhux stabbli, eċċ) jistgħu jipprovdu kontribuzzjoni importanti għal kundizzjonijiet aktar ugwali fl-akkwist pubbliku madwar l-Ewropa. |
Din l-Opinjoni ġiet adottata mill-Qorti tal-Awdituri fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-26 ta’ Mejju 2011.
Għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA
President
(1) COM(2011) 15 finali tas-27 ta' Jannar 2011.
(2) COM(2010) 2020 finali tat-3 ta' Marzu 2010 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2010, il-parti I.
(3) Dan il-ksur jinkludi, fost l-oħrajn: nuqqas ta' konformità mar-rekwiżit ta' grad adegwat ta' reklamar u trasparenza, attribuzzjoni ta' kuntratti mingħajr kompetizzjoni fin-nuqqas ta' urġenza estrema, applikazzjoni ta' għażla kontra l-liġi jew kriterji tal-għoti, ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali (billi jsir negozjar ma' wieħed mill-offerenti matul il-proċedura tal-għoti), għoti dirett għal xogħlijiet jew servizzi addizzjonali li jaqbżu l-limiti stipulati mid-Direttivi.