ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.166.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 166

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
7 ta' Ġunju 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

Id-89 sessjoni plenarja fil-31 ta' Marzu u l-1 ta' April 2011

2011/C 166/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-konsegwenzi tal-katastrofi naturali fil-Ġappun u l-konsegwenzi tad-diżastru nukleari: tagħlimiet għall-Unjoni Ewropea

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

Id-89 sessjoni plenarja fil-31 ta' Marzu u l-1 ta' April 2011

2011/C 166/02

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Rrapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE

3

2011/C 166/03

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE

9

2011/C 166/04

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali

18

2011/C 166/05

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għar-Reġjun tad-Danubju

23

2011/C 166/06

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet ta’ politika għas-sikurezza tat-triq 2011-2020

30

2011/C 166/07

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni

35

2011/C 166/08

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew wara l-2013

45

2011/C 166/09

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Att dwar is-Suq Uniku

52

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

Id-89 sessjoni plenarja fil-31 ta' Marzu u l-1 ta' April 2011

2011/C 166/10

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Impjiegi staġonali u trasferimenti intraażjendali

59

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Id-89 sessjoni plenarja fil-31 ta' Marzu u l-1 ta' April 2011

7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-konsegwenzi tal-katastrofi naturali fil-Ġappun u l-konsegwenzi tad-diżastru nukleari: tagħlimiet għall-Unjoni Ewropea”

2011/C 166/01

Il-Kumitar tar-Reġjuni u l-awtoritajiet lokali u reġjonali rrappreżentati minnu:

1.

jixtiequ jesprimu l-kondoljanzi, id-dispjaċir u s-solidarjetà tagħhom mal-poplu tal-Ġappun u dawk kollha milqutin mit-terremot, it-tsunami, l-inċidenti fl-impjanti tal-enerġija nukleari u l-konsegwenzi ta’ dawn l-avvenimenti;

2.

jesprimu d-disponibbiltà tagħhom li jipprovdu assistenza lill-poplu u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fiż-żoni milqutin fil-Ġappun, u jappellaw lill-Kummissjoni Ewropea li toffri, u, fejn hemm bżonn, tikkoordina miżuri ta’ għajnuna adatti skont il-ħtiġijiet u s-sensibbiltajiet tal-poplu Ġappuniż;

3.

jistieden lill-awtoritajiet Ġappuniżi li jkunu trasparenti kemm jista’ jkun u joħorġu informazzjoni aġġornata dwar il-konsegwenzi tad-diżastru nukleari li jista’ jkollu riperkussjonijiet serji f’partijiet oħra tad-dinja; itennu d-disponibbiltà tagħhom li jipprovdu assistenza u għarfien espert tekniċi;

4.

jappellaw lill-membri tagħhom biex juru solidarjetà fil-qafas tas-sħubijiet attwali u l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ġappuniżi, u jwettqu proġetti ta’ għajnuna effettivi fil-lokal kull meta jkun possibbli, bl-użu tal-kuntatti attwali;

5.

jinsistu li l-avvenimenti fil-Ġappun ifakkruna fis-sehem importanti u primarju tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’każ ta’ diżastri naturali u dawk li jirriżultaw mill-azzjoni tal-bniedem, u li, anke fl-Unjoni Ewropea, irid ikun hemm tiġdid fid-diskussjoni dwar kwistjonijiet ewlenin ta’ sigurtà bil-parteċipazzjoni tal-livelli kollha ta’ gvern;

6.

f’dan il-kuntest, jenfasizzaw il-prinċipji tas-solidarjetà, il-kooperazzjoni, il-koordinazzjoni u l-appoġġ b’rabta mal-prevenzjoni tad-diżastri u r-rispons għalihom, u jappoġġjaw il-proposta għal sistema ta’ protezzjoni ċivili tal-UE (1) u b’mod partikolari t-tisħiħ ippjanat taċ-Ċentru tal-Monitoraġġ u l-Informazzjoni; ifakkru fl-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li ssaħħaħ il-kapaċità tal-Ewropa biex tindirizza d-diżastri fuq il-bażi tal-unitajiet u l-forzi li jkunu disponibbli mill-Istati Membri u jappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex, fil-qafas tal-poteri ta’ appoġġ tagħha, tipproponi miżuri adatti ħalli jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni indispensabbli tal-operazzjoni mhux biss fil-livell nazzjonali iżda wkoll f’dak reġjonali u lokali;

7.

jappoġġjaw l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tniedi mingħajr dewmien reviżjoni rigoruża tal-impjanti tal-enerġija nukleari kollha fl-UE minn esperti indipendenti b’konformità ma’ livelli ta’ sigurtà komuni stretti u biex tippromovi l-iżvilupp ulterjuri ta’ dawn il-livelli komuni mhux biss għas-sigurtà nukleari, iżda wkoll għall-ġestjoni tal-emerġenza u l-protezzjoni ċivili; huma konvinti li dawn ir-reviżjonijiet għandhom ikunu obbligatorji u għalhekk jiddispjaċihom li fil-laqgħa ta’ Marzu, il-Kunsill Ewropew ma laqax dan is-suġġeriment;

8.

għalhekk, iħeġġu lill-Istati Membri li jaqblu fuq kriterji komuni u t-tnedija immedjata ta’ valutazzjonijiet tar-riskju u tas-sigurtà komprensivi (“stress tests”) għall-impjanti attwali u futuri li jkunu jinkludu l-impatt tagħhom fuq l-Istati Membri u r-reġjuni li jmissu magħhom; jisħqu li l-pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea li għandhom jew li qed jippjanaw li jkollhom faċilitajiet nukleari, għandhom ikunu involuti wkoll f’dan il-proċess u li għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji biex ikomplu jittejbu l-mekkaniżmi eżistenti għall-informazzjoni transkonfinali dwar kwistjonijiet marbutin mas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari u d-dimensjoni transkonfinali partikolari tal-ġestjoni tal-kriżi u l-għajnuna f’każ ta’ diżastru: jenfasizza li “stress tests” bħal dawn għandhom jiddaħħlu fin-negozjati futuri tal-adeżjoni u li għandu jittejjeb kemm jista’ jkun l-involviment tal-pajjiżi jew reġjuni ġirien fil-proċess tal-awtorizzazzjoni tal-installazzjonijiet nukleari; fl-aħħar nett, jappellaw li kull installazzjoni nukleari li ma tgħaddix minn dawn l-“istress tests” tingħalaq;

9.

jappellaw għal reviżjoni immedjata tal-istatus tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/EURATOM tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas tal-Komunità għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari, u jekk ikun il-każ tar-reviżjoni tagħha;

9a.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea tressaq proposti għal rekwiżiti adegwati għall-assigurazzjoni ta’ installazzjonijiet nukleari, sabiex dawn ikunu koperti adegwatament għar-riskji finanzjarji ta’ inċident tar-reattur li jista’ jwassal għar-rilaxx ta’ materjal radjuattiv fl-ambjent;

10.

japprovaw il-livelli ta’ sigurtà għoljin indikati fil-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-iskart nukleari 2010/0306(NLE) li jiżguraw li skart b’livell għoli ta’ radjoattività u karburant nukleari wżat jintremgħu b’mod sigur, jitolbu li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati jiġu involuti wkoll;

11.

jiddikjaraw ir-rieda tagħhom li jirrevedu dawk l-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom (pereżempju b’rabta mal-proċeduri tal-awtorizzazzjoni, il-pjani tar-rispons għall-emerġenzi, eċċ.) b’kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi nazzjonali u Ewropej kompetenti u li, meta jkun xieraq, jaġġornawhom fid-dawl tat-tagħlimiet li jinsiltu mid-diżastru Ġappuniż u l-aktar sejbiet reċenti fir-riċerka;

12.

jappellaw lill-Kummissjoni Ewropea li żżid l-appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-qasam tal-prevenzjoni ta’ diżastri naturali u dawk li jirriżultaw mill-azzjoni tal-bniedem u t-taħriġ għalihom;

13.

jappellaw għall-miżuri meħtieġa biex jinkisbu frankar fl-enerġija, żidiet importanti fl-effiċjenza enerġetika u l-konverżjoni tal-provvista tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli siguri, sostenibbli u bi prezzijiet aċċessibbli, li għandhom jiġu promossi b’determinazzjoni akbar; b’mod partikolari huma impenjati favur ’l hekk imsejħa “t-Tielet Revoluzzjoni Industrijali”, jew id-Demokratizzazzjoni tal-produzzjoni tal-Enerġija, li ser tiżgura li l-produzzjoni, il-ħżin u d-distribuzzjoni futuri tal-enerġija jiġu ddeċentralizzati, u b’hekk jipprovdu sigurtà fil-qasam tal-enerġija u ekonomija tal-enerġija rinnovabbli li tagħti liċ-ċittadini u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali influwenza diretta. Huma impenjati li jappoġġjaw il-bidliet meħtieġa fl-infrastruttura biex jinħolqu grids tal-enerġjia miftuħin u intelliġenti u jappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħaqqad lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-partijiet interessati rilevanti flimkien kemm jista’ jkun malajr biex jagħtu bidu għat-trasformazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija Ewropea;

14.

jappella għal politika ta’ komunikazzjoni miftuħa u ġusta mill-fornituri kollha tal-enerġija nukleari u t-twaqqif ta’ sħubijiet effettivi bejn dawn il-fornituri, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

14a.

jirrakkomanda li jkun hemm aktar deċentralizzazzjoni tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija, partikolarment fis-settur tal-enerġija rinnovabbli. Dan għandu jsaħħaħ il-produzzjoni fil-livell lokali u reġjonali, inaqqas id-distanza bejn il-produtturi u l-konsumaturi, inaqqas id-dipendenza fuq provvedituri globali kbar, iżid il-ħolqien ta’ ġid deċentralizzat u fuq kollox, itejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija f’każ ta’ xi diżastru; jappella lill-Kummissjoni Ewropea, mingħajr ma ninsew l-istrateġija Ewropa 2020, biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw aktar appoġġ fl-isforzi diġà konsiderevoli tagħhom fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u biex jilħqu awtosuffiċjenza b’mod wiesa’ fl-enerġija;

15.

fid-dawl tal-miri għat-tibdil fil-klima u l-fatt li 30 % tal-elettriku prodott fl-UE bħalissa ġej mill-enerġija nukleari, jemmnu li hija meħtieġa riflessjoni realistika rigward it-taħlita enerġetika futura tal-UE; għalhekk jappellaw lill-Kummissjoni Ewropea li tippromovi forom ta’ enerġija rinnovabbli u aktar effiċjenti, filwaqt li żżomm bħala għan il-ħtieġa li tissaħħaħ l-indipendenza enerġetika tal-Ewropa u t-tnaqqis gradwali tad-dipendenza mill-enerġija nukleari.

16.

jagħtu istruzzjonijiet lill-President tal-KtR biex tressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Presidenza Ungeriża tal-UE, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti Ġappuniżi.

Brussell, 1 ta’ April 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, Lejn rispons Ewropew aktar b’saħħtu għal diżastri li jseħħu: ir-rwol tal-protezzjoni ċivili u l-assistenza umanitarja, COM(2010) 600 finali.


OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Id-89 sessjoni plenarja fil-31 ta' Marzu u l-1 ta' April 2011

7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/3


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Rrapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE”

2011/C 166/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

huwa konsapevoli li, apparti milli twassal sabiex id-diversi identitajiet nazzjonali jeżistu flimkien fl-Unjoni Ewropea, irrispettivament mill-modi ta’ kif tingħata ċ-ċittadinanza nazzjonali, iċ-ċittadinanza Ewropea tinvolvi liċ-ċittadini fil-proċess ta’ integrazzjoni Komunitarja u tikkontribwixxi biex issaħħaħ id-demokrazija Ewropea;

iddikjara li huwa favur kwalunkwe inizjattiva li tista’ żżid il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku tal-Unjoni, li tidħol fil-qafas tal-azzjoni tad-demokrazija diretta u parteċipattiva u li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali biex jittaffa d-defiċit demokratiku fl-UE;

jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini jiġu ssensibilizzati aktar dwar l-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-UE, dwar id-drittijiet tagħhom u s-sinifikat ta’ dawn id-drittijiet fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum;

huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni għandhom jinqraw fid-dawl tal-prinċipju li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu bl-aktar mod trasparenti u qrib kemm jista’ jkun taċ-ċittadini;

jagħraf li l-awtoritajiet lokali u reġjonali qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jippromovu fehim aħjar taċ-ċittadinanza tal-UE u biex jippromovu ċ-ċittadinanza tal-UE u l-benefiċċji konkreti għall-individwi;

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ilhom żmien twil jieħdu inizjattivi ta’ suċċess, biex b’hekk jitqiesu bħala promoturi ta’ ċittadinanza u dawk li jiffaċilitawha;

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati azzjonijiet li jkunu kapaċi jiggarantixxu t-taħriġ u l-edukazzjoni fil-qasam taċ-ċittadinanza, li jingħelbu l-ostakoli differenti u d-diskrepanzi u n-nuqqasijiet fir-rigward tal-informazzjoni u li l-individwi jeżerċitaw id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom b’mod konxju u ħieles;

jenfasizza r-responsabbiltà li għandhom il-livelli kollha ta’ governanza biex jgħinu ħalli titrawwem “kultura ta’ drittijiet”.

Relatur

Is-Sur Roberto PELLA (IT/PPE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Valdengo

Dokument ta’ referenza

Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE

COM(2010) 603 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Sfond: iċ-ċittadinanza Ewropea wara l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona

1.

jesprimi l-apprezzament tiegħu għar-“Rapport dwar progress effettiv lejn Ċittadinanza tal-UE 2007-2010” (1) li jiddeskrivi l-iżviluppi varji li saru fis-settur taċ-ċittadinanza tul l-istess perjodu u li jakkumpanja r-“Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE”;

2.

jaqbel mal-approċċ adottat mir-rapport biex jiġu individwati l-ostakoli prinċipali li ċ-ċittadini għadhom jiffaċċjaw ta’ kuljum meta jkunu jridu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom marbuta maċ-ċittadinanza fl-Unjoni Ewropea fil-kuntesti differenti tal-ħajja, mal-għan li dawn l-ostakoli jiġu identifikati sabiex jiġu elimnati u b’hekk iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom, u mar-rieda tal-Kummissjoni li ssaħħaħ “iċ-ċittadinanza Ewropea” b’mod konkret u effettiv;

3.

jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-Komunikazzjoni li takkumpanja r-rapport intitolata “Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna” (2) li, min-naħa tagħha, tiffoka fuq l-eliminazzjoni tal-ostakoli li jiffaċċjaw iċ-ċittadini Ewropej huma u jeżerċitaw dawk id-drittijiet mogħtija lilhom mill-acquis tas-suq uniku, b’mod partikolari meta jaġixxu bħala operaturi ekonomiċi (intraprendituri, konsumaturi jew ħaddiema) fis-suq uniku;

4.

ifakkar li l-introduzzjoni taċ-“ċittadinanza Ewropea”, permezz tat-Trattat ta’ Maastricht, kien pass fundamentali u simboliku ħafna fil-ħolqien ta’ identità Ewropea u ta’ demokrazija Ewropea. Din iċ-ċittadinanza, li ngħatat liċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, hija kkunsidrata, bl-adozzjoni tat-Trattat ta’ Amsterdam, komplementari għaċ-ċittadinanza nazzjonali;

5.

jenfasizza li r-regolamenti l-ġodda introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona saħħew iċ-ċittadinanza Ewropea li hija meqjusa bħala ċittadinanza addizzjonali (u mhux biss komplementari) u li ma tiħux post iċ-ċittadinanza nazzjonali;

6.

huwa konsapevoli li, apparti milli twassal sabiex id-diversi identitajiet nazzjonali jeżistu flimkien fl-Unjoni Ewropea, irrispettivament mill-modi ta’ kif tingħata ċ-ċittadinanza nazzjonali, iċ-ċittadinanza Ewropea tinvolvi liċ-ċittadini fil-proċess ta’ integrazzjoni Komunitarja u tikkontribwixxi biex issaħħaħ id-demokrazija Ewropea, hekk kif inhu rikonoxxut mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li inkluda ċ-ċittadinanza Ewropea fost il-prinċipji demokratiċi flimkien mal-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini Ewropej;

7.

jenfasizza li, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini tal-Unjoni jgawdu drittijiet u huma soġġetti għal dmirijiet previsti fit-Trattati, li magħhom iridu jiżdiedu d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertà Fundamentali, li magħha l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tingħaqad bl-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, kif ukoll id-drittijiet u l-libertajiet stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Diċembru 2000, adattata fit-12 ta’ Diċembru 2008 fi Strasburgu, li bit-Trattat ta’ Lisbona akkwistat l-istess valur legali tat-Trattati;

8.

jenfasizza li d-drittijiet li jitkellem dwarhom ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE huma, minn naħa waħda, drittijiet li jikkonċernaw b’mod esklużiv liċ-ċittadini tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, drittijiet fundamentali, li jikkonċernaw ukoll iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

9.

huwa konsapevoli mill-fatt li llum il-ġurnata ċ-ċittadinanza tal-Unjoni tikkostitwixxi l-istatut fundamentali tal-individwu, li huwa attur politiku tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, u permezz tagħha l-individwi jiġu trattati bl-istess mod, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom;

10.

huwa konsapevoli mill-fatt li l-għarfien u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea jikkostitwixxu fattur fundamentali u strateġiku l-aktar f’dawk il-pajjiżi li saru membri tal-Unjoni f’dawn l-aħħar snin u f’dawk il-pajjiżi li qed jitolbu biex isiru membri tal-Unjoni;

11.

ifakkar li t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jesiġi mill-pajjiżi li beħsiebhom isiru membri tal-Unjoni u mill-Istati Membri r-rispett u l-promozzjoni tal-valuri li fuqhom tibbaża l-Unjoni, ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-Istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li huma parti minn minoranza, valuri komuni għall-Istati Membri f’soċjetà karatterizzata mill-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

12.

jenfasizza li, fir-rakkomandazzjoni tiegħu tas-16 ta’ Ottubru 2002 indirizzata lill-Istati Membri, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa kien diġà rrikonoxxa li l-edukazzjoni taċ-ċittadinanza demokratika trid titqies bħala parti minn kull attività ta’ tagħlim, kemm formali, informali jew mhux formali, inkluż it-tagħlim li jingħata fi ħdan il-familja, sabiex kull individwu jkun jista’, tul ħajtu kollha, jaġixxi bħala ċittadin attiv u responsabbli u jirrispetta d-drittijiet tal-oħrajn;

13.

ifakkar li, fil-Komunikazzjoni ta’ Settembru 2005 dwar “Aġenda Komuni għall-Integrazzjoni”, il-Kummissjoni, hija u tistabbilixxi l-qafas għall-integrazzjoni taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi fl-Unjoni Ewropea, stiednet lill-Istati Membri jagħmlu “enfasi fuq l-orjentament ċiviku fl-introduzzjoni ta’ programmi u attivitajiet oħra għal ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu għadhom kemm waslu bl-iskop li jiġi aċċertat li l-immigranti jifhmu, jirrispettaw u jibbenefikaw minn valuri komuni nazzjonali u Ewropej”;

14.

juri kif mill-bidu tad-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, il-KtR iddikjara li huwa favur kwalunkwe inizjattiva li tista’ żżid il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess demokratiku tal-Unjoni, li tidħol fil-qafas tal-azzjoni tad-demokrazija diretta u parteċipattiva u li tikkontribwixxi b’mod sostanzjali biex jittaffa d-defiċit demokratiku fl-UE, u fuq kollox jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li nkiseb f’dan ir-rigward permezz tat-Trattat ta’ Lisbona;

15.

ifakkar li bl-opinjoni “Forom ġodda ta’ governanza: l-Ewropa, qafas għall-inizjattiva taċ-ċittadini”, il-Kumitat tar-Reġjuni stieden lill-UE biex tagħmel il-politiki u l-istrutturi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha aktar demokratiċi u trasparenti bil-għan li toħloq qafas ideali għall-parteċipazzjoni u l-inizjattivi taċ-ċittadini fil-livell Ewropew; kien staqsa wkoll sabiex jitwaqqfu mekkaniżmi li jkunu kapaċi jiffavorixxu djalogu politiku interattiv u biex jitqiegħed fil-prattika l-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva;

16.

jenfasizza li fl-ambitu tal-prijoritajiet politiċi tal-KtR stabbiliti għall-perjodu 2010-2012, kien iddikjara li t-tisħiħ tar-rwol istituzzjonali tal-KtR jimplika r-rikonoxximent tan-natura prijoritarja tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona relatati mar-reġjuni jew li, b’xi mod jew ieħor, għandhom aspett territorjali, bħall-inizjattiva taċ-ċittadini; jilqa’ b’sodisfazzjon l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 211/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011, dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini, li fih ġew inklużi ħafna mill-esiġenzi indikati mill-Kumitat tar-Reġjuni (CdR 167/2010 fin);

17.

jenfasizza l-ħtieġa għaċ-ċittadini Ewropej li dawn in-nuqqasijiet jiġu indirizzati, li l-ostakoli li jxekklu l-moviment ħieles jingħelbu u li jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom fl-ambitu tat-Trattati irrispettivament minn fejn għażlu li jgħixu jew minn fejn akkwistaw oġġetti jew servizzi;

18.

joħroġ fid-dieher kif fl-Istati Membri għad hemm distakk bejn id-dispożizzjonijiet legali applikabbli u r-realtà li jiffaċċjaw iċ-ċittadini fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet transkonfinali;

19.

jistqarr kif il-problemi ewlenin joħorġu fid-dieher meta l-Istati membri individwali jimplimentaw leġislazzjoni Ewropea u meta jadattaw regoli nazzjonali fid-dawl tal-leġislazzjonijiet il-ġodda;

20.

jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini jiġu ssensibilizzati aktar dwar l-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-UE, dwar id-drittijiet tagħhom u s-sinifikat ta’ dawn id-drittijiet fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum;

21.

jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-migranti li beħsiebhom jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, u b’hekk isiru wkoll “ċittadini Ewropej”;

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

22.

huwa tal-fehma li d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, imdaħħla fil-parti tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi, għandhom jinqraw fid-dawl tal-prinċipju li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu bl-aktar mod trasparenti u qrib kemm jista’ jkun taċ-ċittadini, b’konformità mal-mudell tad-demokrazija fl-aktar livell baxx, li biex titwettaq għandha tinvolvi bis-sħiħ u b’mod effettiv l-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma l-iktar “awtoritajiet viċin iċ-ċittadini”;

23.

josserva li r-rapport tal-Kummissjoni ma jagħtix biżżejjed attenzjoni għall-kontribut li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jagħtu għall-effikaċja u l-kwalità taċ-ċittadinanza Ewropea;

24.

jagħraf li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba li huma viċin taċ-ċittadini, qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jippromovu fehim aħjar taċ-ċittadinanza tal-UE u biex jippromovu ċ-ċittadinanza tal-UE u l-benefiċċji konkreti għall-individwi, l-aktar billi juru l-impatt tanġibbli tal-politiki tal-Unjoni fuq il-ħajja taċ-ċittadini;

25.

jagħraf li l-korpi reġjonali u lokali se jkollhom rwol ewlieni fil-proċessi parteċipattivi li jridu jiġu stabbiliti sabiex jiġi implimentat approċċ ġenwin minn isfel għal fuq, li jippermetti liċ-ċittadini jikkontribwixxu sostanzjalment fid-definizzjoni tal-politiki tal-UE li tikkonkretizza d-drittijiet tagħhom;

26.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jippermettu biex l-istituzzjonijiet Ewropej jilħqu b’mod partikolari dawk il-gruppi li ta’ spiss juru livell baxx ta’ parteċipazzjoni, bħal pereżempju ż-żgħażagħ u l-immigranti;

27.

juri kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet fir-rigward tal-ġestjoni tal-problemi relatati mal-moviment u r-residenza taċ-ċittadini Ewropej, kif ukoll mal-akkoljenza;

28.

juri kif ir-rapport, għalkemm joħroġ fid-dieher l-ostakoli għall-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadinanza Ewropea, ma jiġbidx l-attenzjoni għall-kundizzjonijiet preliminari meħtieġa biex kull forma ta’ ċittadinanza ssir effettiva, u biex jingħelbu l-ostakoli ġeografiċi, kulturali, lingwistiċi, informattivi u teknoloġiċi li jimpedixxu lill-individwi jeżerċitaw b’mod sensibbli u ħieles id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom;

29.

jinnota li r-Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza ma jiffokax biżżejjed fuq l-istrumenti ta’ parteċipazzjoni ċivika li jirrappreżentaw mezzi ġodda għall-promozzjoni tad-demokrazija u ċ-ċittadinanza;

30.

jenfasizza li r-rapport ma jqisx biżżejjed il-ħtieġa għal semplifikazzjoni amministrattiva fil-livell lokali u reġjonali bil-għan li d-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni jiġu implimentati b’mod effettiv;

31.

jenfasizza li fil-kuntest il-ġdid ta’ multikulturaliżmu, iċ-ċittadinanza m’għandhiex titqies biss f’termini ta’ protezzjoni tal-identità u tal-appartenenza, iżda wkoll bħala pass fl-integrazzjoni u inklużjoni soċjali;

32.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ilhom żmien twil jieħdu inizjattivi ta’ suċċess, biex b’hekk jitqiesu bħala promoturi ta’ ċittadinanza u dawk li jiffaċilitawha anke permezz ta’ proċessi ta’ demokrazija parteċipattiva u deliberattiva;

33.

jinnota li, fid-dawl tal-istatistika li turi li l-maġġoranza taċ-ċittadini tal-UE la jafu s-sinifikat tad-drittijiet rikonoxxuti taċ-ċittadinanza Ewropea, b’mod partikolari tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, u lanqas mhuma konxji tagħhom, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, peress li huma viċin iċ-ċittadini, jikkostitwixxu l-kanali (strumenti) naturali biex jappoġġjaw it-tixrid tal-informazzjoni mmirata lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni f’dan ir-rigward;

34.

juri li l-istituzzjonijiet politiċi lokali jirrappreżentaw bl-aqwa mod l-espressjoni ta’ korp elettorali “Ewropew” u għaldaqstant, l-ewwel korpi awtentiċi ta’ governanza Ewropea jikkostitwixxu l-kanali privileġġati li jippermettu li ċ-ċittadini tal-UE jiġu infurmati dwar id-drittijiet elettorali tagħhom;

35.

jenfasizza l-kontribut li jistgħu joffru n-netwerks ta’ bliet u l-ġemellaġġi bejn il-muniċipalitajiet fir-rigward tal-promozzjoni u s-sensibilizzazzjoni għat-temi taċ-ċittadinanza, bħala strumenti ta’ adeżjoni għall-ħajja ċivika u ta’ integrazzjoni, l-aktar fejn għandhom x’jaqsmu l-Istati Membri l-ġodda;

36.

jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni li ssaħħaħ id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jirċievu assistenza fil-pajjiżi terzi mill-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri kollha, filwaqt li tipproponi miżuri leġislattivi fl-2011 u tinfurma aħjar liċ-ċittadini; jenfasizza r-rwol li jistgħu jaqdu l-awtoritajiet reġjonali u lokali bil-għan li jinfurmaw aktar dwar dan id-dritt u jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta lill-KtR fit-tħejjija ta’ proposti f’dan ir-rigward;

Objettivi ta’ prijorità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

Il-kundizzjonijiet tal-effettività taċ-ċittadinanza

37.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġu adottati azzjonijiet li jkunu kapaċi jiggarantixxu t-taħriġ u l-edukazzjoni fil-qasam taċ-ċittadinanza, li jingħelbu l-ostakoli kulturali, lingwistiċi u teknoloġiċi, li l-individwi jeżerċitaw id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom b’mod konxju u ħieles u li jingħelbu d-diskrepanzi u n-nuqqasijiet fir-rigward tal-informazzjoni;

Iċ-ċittadinanza attiva

38.

jemmen li t-tisħiħ taċ-ċittadinanza Ewropea jista’ jibbaża fuq it-titjib tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-ħajja lokali tal-komunità, u b’mod partikolari fuq il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, li jifformaw waħda mill-kategoriji tas-soċjetà l-iktar mobbli fiż-żona Ewropea;

39.

jirrakkomanda lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel enfasi wkoll fuq l-aspetti relatati maċ-ċittadinanza tal-UE fil-qafas tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA), sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni tal-ġejjieni jkunu infurmati u jkunu jafu d-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom;

40.

jenfasizza l-importanza tal-volontarjat għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni u ċ-ċittadinanza attiva kif ukoll il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-azzjonijiet;

Iċ-ċittadinanza soċjali

41.

jemmen li huwa neċessarju li jissaħħu, fil-livell Ewropew, l-inizjattivi li jippromovu ċ-ċittadinanza soċjali, billi l-aċċess għad-drittijiet soċjali jintrabat ma’ kriterji u rekwiżiti li jistabbilixxu profil diskriminatorju li jmur kontra l-prinċipju tal-ugwaljanza u ta’ trattament ugwali previst mil-liġi Komunitarja fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li eżerċitaw il-libertà tal-moviment, kif ukoll taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma protetti wkoll mil-liġi tal-Unjoni Ewropea;

42.

jitlob lilll-Kummissjoni biex l-interventi li beħsiebha tadotta biex tiffaċilita l-aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali u biex tniedi proġetti pilota biex tipprovdi aċċess sigur onlajn għal xi data dwar il-kura tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej jipprevedu l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma l-entitajiet l-aktar viċin taċ-ċittadini;

43.

jittama li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-azzjonijiet li l-Kummissjoni beħsiebha tadotta biex ittejjeb is-servizz ta’ informazzjoni għaċ-ċittadini billi tiżviluppa sistema ġdida ta’ skambju elettroniku tad-data biex jitnaqqsu d-dewmien u d-diffikultà fl-iskambju tal-informazzjoni fis-sistema tas-sigurtà soċjali;

Iċ-ċittadinanza ċivili

44.

jittama li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fl-azzjonijiet il-ġodda previsti għall-iffaċilitar tal-moviment ħieles taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familja tagħhom li ġejjin minn pajjiżi terzi, liema azzjonijiet jinkludu n-nondiskriminazzjoni, il-promozzjoni tal-prattiki tajba u l-għarfien tar-regoli tal-UE, billi jqassmu b’mod wiesa’ l-informazzjoni liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-moviment ħieles;

45.

jagħraf il-fatt li d-differenzi fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE jistgħu joħolqu diffikultajiet fl-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

Iċ-ċittadinanza politika

46.

huwa tal-fehma li d-dritt għal-libertà sħiħa tal-moviment u l-parteċipazzjoni politika attiva taċ-ċittadin huma aspetti fundamentali taċ-ċittadinanza tal-Unjoni;

47.

jappoġġja l-isforzi li saru biex jiggarantixxu liċ-ċittadini li ġejjin minn pajjiżi terzi li huma residenti legali fit-territorju tal-Unjoni l-opportunità li jipparteċipaw fil-proċessi politiċi tal-muniċipju tagħhom, skont it-tul taż-żmien ta’ residenza; id-dritt taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jieħdu sehem fil-ħajja politika huwa rikonoxxut ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea dwar il-parteċipazzjoni tal-barranin fil-ħajja pubblika fil-livell lokali;

48.

jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjonijiet speċifiċi għall-promozzjoni tal-eżerċizzju effettiv tad-dritt rikonoxxut biex ċittadin Ewropew jipparteċipa fl-elezzjonijiet muniċipali fi ħdan l-Istat fejn jistabbilixxi l-post ta’ residenza tiegħu, u f’dawk Ewropej;

49.

jenfasizza l-ħtieġa li fl-Istati Membri jkun hemm garantit għaċ-ċittadini tal-Unjoni l-aċċess sħiħ għall-informazzjoni kif mistenni għall-parteċipazzjoni politika attiva tagħhom;

Iċ-ċittadinanza amministrattiva

50.

jenfasizza l-ħtieġa li nipproċedu, fil-livell lokali u reġjonali, għal miżuri ta’ semplifikazzjoni amministrattiva li jagħmlu d-drittijiet ta’ ċittadinanza Ewropea effettivi, u b’mod partikolari l-libertà tal-moviment, u jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu eliminati l-prattiki disważivi jew forom oħra ta’ diskriminazzjoni li jeżistu u li joħolqu differenzi fit-trattament bejn iċ-ċittadini Ewropej, b’mod partikolari fejn jidħol l-għoti tad-dritt ta’ residenza. Dawn il-miżuri m’għandhomx biss jidentifikaw il-problemi li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda għandhom ikunu kapaċi jipprovdu soluzzjonijiet adegwati;

51.

jenfasizza li bil-għan li jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tal-libertà tal-moviment u l-libertà tal-moviment taċ-ċittadini, hemm bżonn li jitjieb l-iskambju tad-data elettronika bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Unjoni, kif ukoll il-komunikazzjoni bejn dawn u ċ-ċittadini;

52.

jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm intervent bi strumenti ta’ semplifikazzjoni amministrattiva l-aktar fl-ambitu tal-kooperazzjonijiet transkonfinali, realtatjiet fejn iċ-ċittadini jiltaqgħu mal-akbar diffikultajiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom;

53.

jenfasizza l-opportunità li jiġu appoġġjati l-forom diversi ta’ kooperazzjoni territorjali għall-implimentazzjoni ta’ proġetti u miżuri li għandhom l-għan li jagħmlu ċ-ċittadinanza Ewropea effettiva, u li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-ostakoli u piżijiet amministrattivi u burokratiċi, anki permezz tat-tixrid ta’ bosta prattiki tajba li jirrigwardaw is-servizzi transkonfinali, pereżempju fil-qasam tas-saħħa u l-multilingwiżmu;

54.

jemmen li huwa indispensabbli li jiġu intensifikati u mtejba kemm jista’ jkun malajr il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet kompetenti, sabiex ikun żgurat l-eżerċizzju ħieles tad-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadinanza Ewropea;

Il-kultura taċ-ċittadinanza

55.

ifakkar fir-responsabbiltà li għandhom il-livelli kollha ta’ governanza biex jgħinu ħalli titrawwem “kultura ta’ drittijiet” billi jagħmlu liċ-ċittadini aktar konxji mid-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom;

56.

jenfasizza l-importanza ta’ azzjoni “komuni” li tippromovi d-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini, li għandha tkun tagħmel parti integrali mill-politika ta’ informazzjoni u komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea;

57.

jimpenja ruħu biex jappoġġja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-2011, li hija s-Sena Ewropea tal-Volontarjat, sabiex jagħtu kontribut sinifikanti u prezzjuż billi jagħtu importanza lill-inizjattivi bbażati fuq il-kunċett ta’ ċittadinanza attiva;

58.

jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li s-sena 2013 tkun is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini; fost l-attivitajiet li tista’ torganizza biex tappoġġja s-suċċess ta’ din l-inizjattiva, tista’ tqis il-possibbiltà li tinkludi din it-tema fit-tħejjija tal-Open Days;

59.

juri kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jirrappreżentaw il-livelli ta’ governanza li jistgħu jniedu inizjattivi għat-“taħriġ fil-qasam taċ-ċittadinanza Ewropea” kemm għaċ-ċittadini li għadhom l-iskola kif ukoll għall-adulti, b’mod partikolari għal dawk li beħsiebhom jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

60.

jemmen li hemm bżonn jiġu promossi azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ għall-immigranti li beħsiebhom jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, u b’hekk isiru wkoll “ċittadini Ewropej”;

61.

jemmen li huwa meħtieġ li jitniedu interventi għat-“taħriġ fil-qasam taċ-ċittadinanza Ewropea” tal-persunal tal-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, nazzjonali, lokali u reġjonali;

62.

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-inklużjoni taċ-ċittadinanza Ewropea fil-programmi edukattivi u skolastiċi u jippromovu interventi għat-taħriġ fil-qasam taċ-ċittadinanza għall-adulti, anki permezz tal-mezzi tax-xandir u l-ITC;

63.

jenfasizza l-importanza tal-programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-promozzjoni tal-identità u ċ-ċittadinanza Ewropea;

64.

jistieden lill-Kummissjoni biex tippromovi u tappoġġja azzjonijiet u proġetti għall-għarfien u l-promozzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea favur iċ-ċittadini tal-pajjiżi li saru membri tal-UE f’dawn l-aħħar snin u dawk li beħsiebhom isiru membri tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jaħdmu fihom;

65.

jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex telimina l-ostakoli – amministrattivi, leġislattivi, kif ukoll dawk relatati ma’ kwistjonijiet ta’ informazzjoni, motivazzjoni jew lingwa – għall-mobbiltà fit-tagħlim li għadhom jeżistu, u jitlobha wkoll tidentifika l-istrateġiji meħtieġa sabiex dawn l-ostakoli jingħelbu u b’hekk tingħata spinta lill-mobbiltà transnazzjonali taż-żgħażagħ, filwaqt li jiġu involuti l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili, l-intrapriżi u partijiet interessati oħra;

66.

b’segwitu tal-interess li wriet il-Kummissjoni Ewropea, ser jivvaluta l-ħolqien ta’ pjattaforma flessibbli u informali biex tingħata spinta lill-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-għan li jiġi ffaċilitat u appoġġjat id-dibattitu dwar iċ-ċittadinanza Ewropea, li jiġu identifikati dawk is-sitwazzjonijiet u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-awtoritajiet lokali huma u jeżerċitaw id-drittijiet ta’ ċittadinanza Ewropea u li jitħeġġeġ l-iskambju tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki, u b’hekk dan jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-eżerċizzju attiv taċ-ċittadinanza Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-possibbiltà li tagħti appoġġ adatt lil din l-attività fil-qafas ta’ analiżi ta’ vijabbiltà.

Brussell, 31 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  COM (2010) 602 finali.

(2)  COM (2010) 608 finali.


7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/9


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE”

2011/C 166/03

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

ifakkar li l-UE għandu jkollha baġit kredibbli, lil hinn mill-1 % tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-UE, bil-għan li tilħaq l-għanijiet prinċipali Ewropej skont il-ħtiġijiet speċifiċi tat-territorji differenti u twettaq il-kompetenzi l-ġodda stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona;

jaqbel kompletament mal-importanza tal-Istrateġija Ewropa 2020, iżda jenfasizza li l-pożizzjoni li ser tingħathalha m’għandhiex madankollu tnaqqas mill-importanza mogħtija lill-għanijiet l-oħra stabbiliti fit-Trattati, b’mod partikolari l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

bi pjaċir jinnota li l-proposta tiegħu biex il-perjodu tal-qafas finanzjarju multiannwali jiġi estiż għal għaxar snin b’reviżjoni adegwata f’nofs il-perjodu (“5 + 5”) intlaqgħet tajjeb mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-reviżjoni f’nofs it-term għandha tillimita l-ammont ta’ finanzjament li jista’ jiġi allokat għal prijoritajiet differenti biex jiġi żgurat li jibqa’ programm ġenwin ta’ għaxar snin u mhux żewġ programmi ta’ ħames snin;

iqis li l-flessibbiltà tal-baġit għandha tkun żgurata, fuq naħa, bil-għan li f’nofs il-perjodu tkun tista’ tingħata direzzjoni strateġika ġdida, permezz ta’ “riżerva ta’ reviżjoni”, u fuq in-naħa l-oħra, bil-għan li jiġu indirizzati l-ostakli imprevisti u straordinarji, permezz ta’ “riżerva ta’ flessibbiltà u ta’ interess Ewropew”, filwaqt li jiġi żgurat li l-infiq Ewropew isir bl-aktar mod effiċjenti;

huwa ferm kontra l-proposta li n-nuqqas ta’ konformità ta’ Stat Membru għandu jwassal biex jieqaf l-għoti tal-finanzjament taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, il-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd għax l-awtoritajiet reġjonali ma jistgħux jinżammu responabbli għan-nuqqas ta’ kapaċità tal-istituzzjonijiet nazzjonali li jissodisfaw il-kriterji makroekonomiċi jew li jimplimentaw il-leġislazzjoni tal-UE b’mod korrett;

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi implimentata politika ta’ koeżjoni fl-Unjoni kollha u jaqbel mal-proposta ta’ qafas strateġiku komuni li jħaddan il-Fondi Strutturali u l-fondi l-oħra ta’ żvilupp territorjali; u għalhekk huwa tal-fehma li struttura possibbli tal-intestaturi baġitarji għandha tippermetti b’mod partikolari li jiġu identifikati taħt l-istess titolu l-fondi kollha li jaqgħu taħt il-qafas strateġiku komuni;

huwa tal-fehma li l-istruttura attwali tal-baġit għandha tiġi abbandunata u jirrakkomanda li l-istruttura l-ġdida titfassal b’mod li d-distribuzzjoni tal-kompiti toħroġ fid-dieher – fuq il-bażi ta’ approċċ ta’ governanza f’diversi livelli, u ma jara l-ebda raġuni għaliex in-numru ta’ intestaturi għandhom jitnaqqsu għal tlieta kbar;

jemmen li huwa ferm importanti li jitnieda self obbligatorju Ewropew għall-proġetti (EU-project bonds), u huwa tal-fehma li, fit-tul, iż-żieda fir-riżorsi proprji eżistenti u/jew l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda għandu jkollhom l-għan li jissostitwixxu l-kontributi nazzjonali għall-baġit tal-UE.

Relaturi

Is-Sinjura BRESSO (IT/PSE), Kunsilliera tar-Reġjun tal-Piemonte

Is-Sur VALCÁRCEL SISO (ES/PPE), President tar-Reġjun ta’ Murcia

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Parlamenti Nazzjonali – Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE

COM(2010) 700 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-baġit tal-UE, peress li tippreżenta viżjoni globali tar-riforma li tkopri l-infiq u d-dħul u għandha l-għan li twassal għal bidla reali;

2.

beħsiebu jkompli u japprofondixxi l-pożizzjoni li ħa u l-proposti li ressaq fl-opinjoni preċedenti tiegħu adottata f’April 2008 (1); għalhekk, ifakkar li:

l-UE għandu jkollha baġit kredibbli, lil hinn mill-1 % tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-UE, bil-għan li tilħaq l-għanijiet prinċipali Ewropej skont il-ħtiġijiet speċifiċi tat-territorji differenti u twettaq il-kompetenzi l-ġodda stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona;

il-baġit tal-UE għandu jkun jista’ jindirizza l-isfidi l-ġodda, kif ukoll ifittex li jilħaq l-għanijiet tiegħu fil-qasam tal-integrazzjoni u l-koeżjoni; u juri solidarjetà ġenwina fl-azzjoni tiegħu;

fil-kuntest tar-riżorsi finanzjarji pubbliċi limitati tal-Istati Membri jeħtieġ li tiġi riformata s-sistema tar-riżorsi tal-baġit Komunitarju u li jiġu stabbiliti ċerti prijoritajiet u li ssir enfasi fuq l-oqsma li fihom l-intervent Komunitarju, waħdu jew flimkien ma’ livelli oħra ta’ governanza, iġib l-aħjar valur miżjud;

l-isfruttament tal-potenzjal kollu marbut mal-governanza f’diversi livelli għandu jitpoġġa fil-qalba tal-istrateġija ta’ riforma tal-baġit Ewropew u jfakkar li l-ħolqien, il-programmazzjoni, il-kofinanzjament u l-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej jistgħu jibbenefikaw ħafna mill-kontribut tal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

Il-prinċipji li jridu jiġu rispettati fil-baġit tal-UE

3.

iqis li s-snin ta’ esperjenza fl-implimentazzjoni tal-baġit Ewropew, u b’mod partikolari fil-politika ta’ koeżjoni, urew li huma r-reġjuni jew il-gvernijiet lokali, li huma l-iktar qrib iċ-ċittadini, li jidentifikaw il-ħtiġijiet tat-territorji Ewropej u jaġixxu b’mod aktar dirett f’dan il-qasam. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea dejjem tenfasizza l-importanza tal-proċess tal-governanza f’diversi livelli, bil-għan li l-baġit Ewropew jintefaq b’mod aktar effettiv għax tqisu bħala għodda effiċjenti li għandu jiġi applikat għall-politiki Ewropej kollha, biex jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

4.

jiddispjaċih li, rigward it-totalità tal-infiq pubbliku fl-UE, minkejja li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħtu kontribuzzjoni finanzjarja u parteċipazzjoni attiva dejjem tikber, din il-governanza f’diversi livelli mhijiex ċara għall-benefiċjarji finali; għalhekk, jitlob minn issa lill-Kummissjoni sabiex tiċċara mal-partijiet interessati kollha l-qagħda attwali tal-finanzi pubbliċi fl-Unjoni Ewropea, u biex tadotta struttura tal-baġit aktar konsistenti mal-governanza f’diversi livelli;

5.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni fejn tgħid li “il-piż tal-infiq għandu jirrifletti l-prijoritajiet ewlenin ta’ politika tal-UE”, li jimplika li għandha tingħata prijorità għolja ħafna lill-kunċett tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, iżda wkoll b’mod speċjali biex ikun żgurat li l-baġit huwa kompatibbli mal-klawżola soċjali orizzontali;

6.

jissuġġerixxi li t-tnedija mill-aktar fis tal-programmi futuri tiġi faċilitata billi jkun hemm ċerta kontinwità fir-regoli fundamentali marbuta mal-funzjonament tagħhom, u billi jiġu antiċipati kemm jista’ jkun l-interventi leġislattivi u regolatorji kollha bil-għan tas-semplifikazzjoni;

a)   Valur miżjud

7.

iqis li huwa neċessarju u ta’ siwi li jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar il-proċeduri u l-eżekuzzjoni annwali u interistituzzjonali tal-baġit tal-UE bil-għan li jkun konsistenti mal-prinċipju ta’ governanza tajba bbażat fuq deliberazzjoni f’diversi livelli; dan il-kontribut jista’ jirrappreżenta l-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-intestaturi baġitarji li huma l-benefiċjarji ewlenin tagħhom;

8.

huwa tal-fehma li l-kunċett tal-valur miżjud jirreferi għall-effett ta’ lieva jew l-effett ta’ multiplikatur li tiġġenera l-implimentazzjoni tal-baġit Ewropew fl-Unjoni Ewropea kollha, u għalhekk dan il-kunċett ma jistax jitqies f’termini purament relatati mal-kontabbiltà; filwaqt li jikkunsidra biss il-finanzi pubbliċi. Il-valur miżjud tal-baġit tal-UE għall-intrapriżi privati u konsumaturi għandu jitqies ukoll, flimkien mal-valur miżjud tal-baġit tal-Unjoni f'termini ta’ governanza. Iqis, barra minn hekk, li l-valur miżjud tal-baġit tal-Unjoni għandu jiġi vvalutat b’mudell ġdid ta’ tkabbir imkejjel bl-użu ta’ indikaturi addizzjonali apparti l-PDG li jkunu jirriflettu aħjar l-iżvilupp ta’ kull reġjun;

9.

jieħu nota tal-impenn tal-Kummissjoni li tfassal analiżi aġġornata tal-ispiża tan-non-Ewropa, iżda jħeġġiġha biex tagħmel dan f’biżżejjed ħin biex ikun jista’ jkollha impatt fin-negozjati dwar il-qafas finanzjarju ġdid;

10.

itenni li l-effett ta’ lieva tal-baġit tal-UE huwa fundamentali għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi favur għanijiet strateġiċi tal-UE previsti mit-Trattat, bħall-politika ta’ koeżjoni, kif ukoll favur l-istrateġiji Ewropej bħall-Istrateġija Ewropa 2020, li għandu effett determinanti fuq it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u li jiġi eżerċitat għall-benefiċċju tal-atturi privati u l-awtoritajiet pubbliċi kollha, kemm dawk li laħqu stadju avvanzat ta’ żvilupp kif ukoll dawk li għadhom lura, fil-qafas tas-suq uniku;

11.

iqis li l-viżibbiltà tal-interventi tal-UE, dawk li għandhom l-għan li jagħmlu investimenti kbar jew intanġibbli (ir-riċerka, l-inklużjoni soċjali, it-taħriġ, eċċ.) trid toħroġ f’kull livell, mill-awtorità li tieħu d-deċiżjoni politika sal-entità responsabbli għall-ġestjoni tal-programm u saċ-ċittadin u l-benefiċjarju aħħari. Din il-viżibbiltà tista’ tinkiseb b’diversi modi li jkunu flessibbli u adattati skont il-kuntest biex jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat, u għandha tkun ibbażata fuq il-bosta prattiki tajbin eżistenti skont il-possibbiltajiet ta’ kull reġjun;

12.

jaqbel mal-Kummissjoni li l-UE tista’ toffri “ekonomiji tal-kobor u […] tista’ timla nuqqasijiet li jkun hemm minħabba d-dinamika tat-tiswir tal-politika nazzjonali, u l-aktar ovvju huwa l-indirizzar tal-isfidi transkonfinali f’oqsma bħall-infrastruttura, il-mobilità, il-koeżjoni territorjali jew il-koperazzjoni tal-UE dwar ir-riċerka”;

13.

jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija ta’ komunikazzjoni dinamika u permanenti fit-territorji dwar l-iskop u l-implimentazzjoni tal-baġit Ewropew u f’dan ir-rigward jindika d-disponibbiltà tiegħu biex jimplimenta pjan ta’ azzjoni deċentralizzat;

b)   Solidarjetà

14.

jafferma li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u ċ-ċittadini Ewropej tikkostitwixxi mhux biss għan politiku li jimxi id f’id mal-valuri Ewropej, iżda wkoll aspett ta’ effikaċja ekonomika għall-UE kollha u, għaldaqstant, is-solidarjetà għandha titqies bħala investiment aktar milli spiża, fid-dawl tal-fatt li permezz tagħha l-UE tista’ tiffaċċja l-isfidi preżenti u futuri;

Baġit għall-ġejjieni: l-infiq

15.

jaqbel kompletament mal-importanza tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u jenfasizza, l-istess bħall-Kummissjoni, li s-suċċess tagħha jitlob “sħubija bejn il-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali”, kif ukoll mal-awtoritajiet lokali u reġjonali; jenfasizza li l-pożizzjoni mogħtija lill-Istrateġija Ewropa 2020 m’għandhiex madankollu tnaqqas mill-importanza mogħtija lill-għanijiet l-oħra stabbiliti fit-Trattati, b’mod partikolari l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

16.

jistenna l-proposta dwar il-qafas finanzjarju multiannwali biex jagħti fehmtu fid-dettall dwar l-infiq, iżda sadanittant qed jagħmel xi osservazzjonijiet bażiċi hawnhekk:

Riċerka, innovazzjoni u edukazzjoni

17.

jenfasizza li l-baġit attwali tal-UE allokat għar-riċerka, li jirrappreżenta biss 4 % ta’ dak tar-riċerka pubblika fl-Ewropa, mhuwiex adegwat. Għaldaqstant jemmen li huwa indispensabbli li tkun żgurata komplementarità ta’ programmi nazzjonali u reġjonali mal-programm qafas Ewropew tar-riċerka sabiex jinkisbu ekonomiji ta’ skala u effett ta’ massa;

18.

ma jaqbilx mal-istqarrija tal-Kummissjoni Ewropea li skontha l-Ewropa qed tiffaċċja “firxa mingħajr preċedenti ta’ sfidi tas-soċjetà, li jistgħu jiġu ffaċċjati biss b’qabżiet xjentifiċi u teknoloġiċi importanti”, minħabba li dan it-tip ta’ argument jissottovaluta l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet politiċi, l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini li jirriformaw is-soċjetajiet tagħna, mingħajr ma jkollhom għalfejn ta’ bilfors jadottaw soluzzjonijiet xjentifiċi u teknoloġiċi; madankollu, jemmen li l-innovazzjoni tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-aktar sfidi soċjali kruċjali li qed niffaċċjaw. Għaldaqstant, jaqbel bis-sħiħ mal-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Frar 2011 li l-għarfien espert u r-riżorsi tal-Ewropa għandhom jiġu mmobilizzati b’mod koerenti u li għandhom jitrawmu sinerġiji bejn l-UE u l-Istati Membri bil-għan li jiġi żgurat li l-innovazzjonijiet li huma ta’ benefiċċju għas-soċjetà jaslu aktar malajr fis-suq. Jenfasizza f’dan il-kuntest l-opportunitajiet li ser jinħolqu minn reviżjoni tad-direttivi applikabbli dwar l-akkwist pubbliku bil-għan li jkun hemm aktar innovazzjoni soċjali u ambjentali;

19.

huwa tal-fehma li l-appoġġ li jingħata lill-innovazzjoni huwa vitali biex jittrasforma l-ekonomija Ewropea u jemmen li l-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni” għandha tħeġġeġ b’mod partikolari lill-Istati Membri jappoġġjaw il-modernizzazzjoni tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ fil-livelli kollha, u dan jinkludi fuq il-post tax-xogħol, għax il-qagħda tal-progress ta’ territorju tiddependi qabel kollox fuq l-iżvilupp tal-kapital uman tiegħu. Għalhekk jinsab sodisfatt li din l-inizjattiva ewlenija tfassal approċċ ta’ politika li hu fundamentalment raġonevoli, tinkludi ġustament definizzjoni wiesgħa tal-kunċett “innovazzjoni”, tpoġġi enfasi fuq l-isfidi l-kbar tas-soċjetà tagħna, u tikkunsidra t-teknoloġiji l-ġodda; barra minn hekk, il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni fi ħdan l-UE u li jitfasslu strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni reġjonali intelliġenti, speċjalment bl-għajnuna tal-programmi ta’ għajnuna teknika finanzjati mill-FEŻR. Barra minn hekk ifakkar li dawn l-istrateġiji jridu jiġu definiti b’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha, u b’mod partikolari mal-intraprendituri lokali u reġjonali, biex jiġi evitat li jiġu imposti mudelli preskrittivi li ma jikkorrespondux mar-realtà jew mal-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jew li jistgħu joħolqu piż amministrattiv u finanzjarju;

20.

jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tqis il-kontributi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tas-soċjetà ċivili għall-innovazzjoni, u lil dawn tirrikonoxxihom bħala atturi importanti. Iqis li dan għandu jiġi rifless fil-baġit tal-UE permezz ta’ Programm Qafas dwar ir-Riċerka ffinanzjat b’mod tajjeb. Il-baġit tal-UE għandu jintuża biex jippermetti sinerġiji u komplementarjetà akbar bejn is-sorsi ta’ finanzjament Ewropew għall-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni, biex jiġi żgurat li l-infiq isir b’mod effikaċi, u jinkludi l-prijoritizzazzjoni tat-tisħiħ tal-kapaċità għar-riċerka fiż-żoni tal-Ewropa li huma ifqar. Hemm bżonn urġenti wkoll li jiġu indirizzati l-preċiżjoni u d-disponibbiltà tad-data dwar il-parteċipazzjoni reġjonali fil-Programm Qafas u fi programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom punt ta’ referenza għall-prestazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew u biex id-dgħufijiet strutturali fil-prestazzjoni jiġu identifikati b’mod aktar preċiż;

21.

iqis li t-teknoloġiji l-ġodda eżistenti, li bbenefikaw mill-finanzjament tar-Riċerka u l-Iżvilupp, u li jistgħu jintużaw diġà, għandhom jiġu sfruttati kompletament;

L-infrastrutturi tal-futur

22.

jemmen li t-tneħħija tal-ostakli transkonfinali għall-assi transnazzjonali strateġiċi tan-netwerks tat-trasport, tal-komunikazzjoni u tal-enerġija tirrappreżenta valur miżjud ta’ siwi soċjali kbir li jikkorrispondi mal-approċċ il-ġdid tat-tkabbir tal-UE. Fil-prinċipju, l-iżvilupp ta’ infrastruttura speċifika u ta’ kwalità għolja u t-tneħħija tal-ostakli kritiċi għandhom isiru fil-kuntest aktar ġenerali tal-kompetittività ekonomika tal-UE kif ukoll tal-iżvilupp bilanċjat u sostenibbli;

23.

jenfasizza li l-finanzjament tal-infrastrutturi futuri huwa neċessarju għal żewġ raġunijiet ta’ importanza ugwali: biex tiżdied il-mobbiltà u l-koeżjoni interna fi ħdan l-UE u biex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea fir-rigward ta’ pajjiżi terzi kif tistqarr tajjeb il-Kummissjoni; jirrakkomanda li tittieħed azzjoni loġika, fis-sens li l-ewwel nibdew bl-għażliet politiċi dwar il-proġetti tal-infrastruttura u mbagħad jintlaħaq ftehim dwar l-istrumenti u l-istrutturi finanzjarji marbutin magħhom;

24.

itenni li huwa kontra li jiġi stabbilit fond uniku li, billi jkun ibbażat l-aktar fuq riżorsi allokati taħt il-Fond ta’ Koeżjoni, jiġbor flimkien l-istrumenti finanzjarji kollha tal-UE li jintużaw biex jiffinanzjaw l-infrastruttura tat-trasport. It-trasferiment ta’ fondi jista’ jirriżulta f’telf nett ta’ riżorsi allokati għall-politika tat-trasport kif ukoll jixħet id-dubju fuq l-integrazzjoni tal-proġetti tat-trasport fl-istrateġiji reġjonalizzati tal-iżvilupp;

L-enerġija u l-klima

25.

ma jappoġġjax l-għażla li tinvolvi l-ħolqien ta’ fondi speċjalizzati fuq skala wiesgħa ddedikati għall-implimentazzjoni tal-investimenti fl-oqsma tal-enerġija u l-klima. Jesprimi l-preferenza tiegħu għall-prijoritizzazzjoni u l-integrazzjoni msaħħa ta’ dawn il-prijoritajiet politiċi fi ħdan l-oqsma politiki kkonċernati kollha. Il-ġestjoni ta’ dawn il-politiki, bis-sehem tal-livelli ta’ governanza kollha, tiżgura li l-azzjoni Ewropea tkun effiċjenti u viżibbli. Madankollu, bonds speċifiċi mħejjija mill-BEI jistgħu jintużaw għal proġetti transnazzjonali jew transkonfinali dwar il-produzzjoni ta’ enerġija nadifa u għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, bħala parti mill-għanijiet tas-sigurtà tal-enerġija u t-tnaqqis tat-tibdil fil-klima;

Il-Politika Agrikola Komuni

26.

jirrikonoxxi l-valur miżjud ta’ waħda mill-uniċi politiki komuni tal-UE u jilqa’ b’sodisfazzjon l-element ta’ kontroll tan-nefqa li jidher fil-Politika Agrikola Komuni, b’mod li qed tiġi orjentata iżjed lejn l-għan tal-koeżjoni soċjali u territorjali, anke rigward il-produzzjonijiet, lejn tkabbir ekoloġiku u lejn sinerġija msaħħa mal-politiki l-oħra tal-UE;

27.

itenni l-importanza tal-PAK għall-ħarsien tan-nisġa tal-komunitajiet rurali madwar l-Ewropa, li b’hekk tikkontribwixxi għall-għan usa’ ta’ koeżjoni soċjali u territorjali; jinnota wkoll il-kontribut prezzjuż li din il-politika tagħmel lis-soċjetà f’sens usa’ f’termini ta’ provvista ta’ ikel ta’ kwalità għolja, il-ġestjoni tal-pajsaġġ tal-UE u l-kontribut għall-isforzi għall-ġlieda u l-mitigazzjoni tal-impatt tat-tibdil fil-klima, u jenfasizza li l-PAK tista’ tagħti kontribut siewi għall-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

28.

jemmen li l-PAK, maqbuda f’tensjoni bejn l-eżiġenza ta’ produzzjoni Ewropea kompetittiva ta’ ikel ta’ kwalità għolja, minn naħa, u r-rekwiżiti tas-soċjetà fil-qasam tal-ambjent, il-klima, il-ġestjoni tal-ilma u l-bijodiversità kif ukoll il-preservazzjoni ta’ żoni rurali vitali, min-naħa l-oħra, għandha tkun ibbażata fuq l-użu effettiv taż-żewġ pilastri tagħha sabiex tindirizza l-isfidi futuri. Jirrikonoxxi l-bżonn ta’ aktar riformi għall-PAK, u b’mod speċjali hemm il-bżonn ta’ baġit b’riżorsi adegwati sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jintużaw biex jiġu indirizzati prijoritajiet oħra tal-UE; madankollu, itenni li riformi bħal dawn għandhom ikunu gradwali, u għandhom jibbażaw fuq bidla lejn sistema aktar ġusta għall-allokazzjoni ta’ pagamenti diretti fl-UE kollha u l-allokazzjonijiet tat-tieni pilastru (l-Iżvilupp Rurali) bejn l-Istati Membri; b’mod partikolari, is-semplifikazzjoni u l-effiċjenza għandhom ikunu prijoritajiet ewlenin għall-fażi li jmiss tar-riforma;

Il-politika ta’ koeżjoni

29.

jifraħ lill-Kummissjoni għall-analiżi li għamlet tal-impatt tal-politika ta’ koeżjoni fuq l-ekonomija Ewropea u għad-dawl li xeħtet fuq l-effetti kumulattivi ewlenin fuq il-PDG nazzjonali; huwa tal-fehma li l-politika ta’ koeżjoni hija wieħed mill-aktar strumenti ta’ suċċess fl-appoġġ solidali għall-aktar reġjuni dgħajfa u tikkontribwixxi għall-ħolqien tat-tkabbir u l-prosperità fl-Ewropa kollha, b’mod partikolari permezz tal-kummerċ u l-esportazzjoni;

30.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni temmen li fil-futur il-politika ta’ koeżjoni ser tibqa’ meħtieġa fl-Unjoni kollha, u għalhekk fir-reġjuni kollha, sabiex jiġu promossi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u l-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni bħala ħaġa waħda permezz tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Madankollu, jenfasizza li jridu jsiru investimenti konsiderevoli fl-infrastruttura tar-reġjuni l-inqas żviluppati meta titfassal il-politika ta’ koeżjoni futura. Għalhekk, fil-futur, parti sostanzjali mir-riżorsi baġitarji tal-UE għandha tkompli tintuża sabiex jitħaffef l-iżvilupp fir-reġjuni l-inqas żviluppati u biex jiġu eliminati l-ostakli għall-iżvilupp;

31.

jaqbel mal-proposta ta’ qafas strateġiku komuni li jħaddan il-Fondi Strutturali u l-fondi l-oħra ta’ żvilupp territorjali bħall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), u jemmen li approċċi ta’ semplifikazzjoni bħal dawn jistgħu jiġu estiżi għal fondi oħra fil-futur; jappoġġja l-kunċett ta’ kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u l-investiment, li huma stampa preċiża u baġitarja tal-Patti Territorjali li hu jippromovi għall-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma; kuntratti ta’ investiment bħal dawn għandhom jiġu żviluppati fi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mhux biss bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kif hemm propost fil-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni, b’konformità mal-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli; jappoġġja wkoll l-idea li l-governanza tal-politika ta’ koeżjoni tiġi estiża għal politiki oħra, fid-dawl tal-fatt li jemmen li l-esperjenza miksuba wriet li dan huwa l-aktar metodu effettiv u effiċjenti;

32.

jittama li d-dimensjoni territorjali, partikolarment dik rurali, marittima u ultraperiferika, tingħata l-attenzjoni li jistħoqqilha fil-politika futura ta’ koeżjoni u li tiġi stabbilita rabta aktar b’saħħitha u sinerġija akbar bejn il-programmi ta’ żvilupp appoġġjati mill-FEŻR, il-FES u l-FAEŻR;

33.

huwa tal-fehma li l-kapaċità istituzzjonali u finanzjarja tas-settur pubbliku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali hija essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020, u li l-politika ta’ koeżjoni għandha tkompli taqdi rwol ewlieni fit-tisħiħ ta’ din il-kapaċità; jitlob ukoll li jiġi kkjarifikat il-finanzjament tal-miżuri proposti fil-kuntest tas-seba’ inizjattivi ewlenin tad-diversi programmi ta’ finanzjament tal-UE;

34.

jilqa’ b’sodisfazzjoni l-intenzjoni li tiżdied il-viżibbiltà u jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSE, speċjalment permezz ta’ enfasi akbar fuq l-inklużjoni soċjali; itenni l-appoġġ tiegħu għall-parti li fadal tal-FSE tal-Politika ta’ Koeżjoni; jenfasizza li l-viżibbiltà tal-FSE u l-effettività tal-azzjoni tiegħu jiddependu fuq l-adozzjoni ta’ approċċ integrat tal-investimenti fil-kapital uman, l-infrastrutturi, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

35.

jilqa’ bil-qawwa l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-appoġġ għan-negozji l-ġodda, b’mod partikolari l-SMEs li ser jaqdu rwol kruċjali fit-titjib tal-kompetittività Ewropea; għaldaqstant, jitlob għal integrazzjoni aktar viżibbli ta’ politiki favur l-SMEs fil-baġit tal-UE, b’enfasi partikolari fuq l-intraprendituri nisa;

36.

huwa tal-fehma li għandu jiġi żgurat li l-fondi jintefqu b’mod aktar effiċjenti, iżda ma jaqbilx mal-idea ta’ riżerva ta’ prestazzjoni bbażata fuq l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020;

37.

jissuġġerixxi wkoll li, fir-rigward tal-Fondi Strutturali, jiġi implimentat mekkaniżmu speċifiku ta’ twissija fir-reġjuni kollha billi jibbaża fuq ir-relazzjoni eżistenti bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-ġestjoni fejn din tagħtihom parir dwar ir-rata ta’ nfiq u l-potenzjal għal diżimpenn jekk ir-rata ta’ nfiq u r-riżultati ma’ jilħqux il-miri miftiehma;

38.

fl-aħħar, iqis li fil-ġejjieni l-ammonti identifikati kull sena minn dan il-mekkaniżmu ta’ twissija u li għandhom riskju li ma jintefqux minħabba d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni, għandhom jintraddu lura lill-baġit ġenerali u jissupplementaw ir-“riżerva ta’ flessibbiltà u interess Ewropew”, speċjalment sabiex l-Istati Membri jiġu skoraġġuti mill-prattika attwali li jinżammu kontributi għall-kofinanzjament ta’ proġetti bil-għan li aktar tard jiġu rkuprati ammonti li ma jintużawx;

39.

jitlob biex il-fond ta’ aġġustament għall-globalizzazzjoni jiġi integrat fil-baġit tal-Unjoni, b’mod partikolari bil-għan li titħaffef il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi, iżda wkoll biex isir kontribut aktar effettiv għall-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, jiġi pprovdut għal aktar tkabbir fl-impjieg u tnaqqis fil-qgħad, tittieħed azzjoni kontra l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol, jitjiebu l-kwalità, il-produttività u l-attrattività tal-impjiegi u tiżdied il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

Baġit effettiv

Finanzjamenti ġodda

40.

jaqbel li, minbarra s-sussidji, jiġu eżaminati s-soluzzjonijiet possibbli l-oħra għal appoġġ Ewropew, iżda dan għandu jsir b’rispett sħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u fuq il-bażi tal-każ ikkonċernat, skont it-tip ta’ nfiq u s-sitwazzjoni ekonomika tal-benefiċjarji; l-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja għandhom jitqiesu bħala supplement siwi għall-għotjiet, aktar milli bħala sostitut;

41.

iżda, jinsisti fuq l-importanza li l-ħolqien u ż-żieda fin-numru ta’ strumenti finanzjarji ġodda jsiru bil-għaqal; huwa tal-fehma li l-kriżi wriet il-bżonn ta’ regolazzjoni fil-livell tal-UE, peress li, xi drabi, in-nuqqas tagħha pperikola l-bilanċ finanzjarju tal-baġits pubbliċi lokali u reġjonali; jisħaq fuq il-bżonn tar-responsabbiltà fil-konfront taċ-ċittadini u li ma nitbegħdux wisq mill-ekonomija reali;

42.

barra minn hekk, jappoġġja s-suġġeriment li tiġi stabbilita relazzjoni bejn il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-baġit tal-Unjoni Ewropea biex jiġi żgurat li wara l-2013, l-EFSF ma jkunx aktar finanzjat biss fuq bażi intergovernattiva permezz ta’ riżorsi mhux impenjati, iżda li jintegra, b’konformità mal-prinċipji ta’ solidarjetà Ewropea, il-mekkaniżmi baġitarji previsti fit-Trattat ta’ Lisbona;

43.

jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom mezzi aktar effettivi biex jipproduċu r-riżultati, b’mod partikolari f’każi fejn jiġu implimentati mekkaniżmi ġodda tal-finanzjament (BEI, PPP, EU-project bonds (self obbligatorju Ewropew għall-proġetti)) li jitolbu livell għoli ta’ għarfien;

44.

jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-fattibbiltà tal-bonds taċ-ċittadini (fondi lokali ffinanzjati miċ-ċittadini għall-iżvilupp lokali), fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jinvestu fl-iżvilupp tal-komunità jew reġjun tagħhom, u fejn dawn l-investimenti jintużaw sabiex jitwaqqfu infrastrutturi u proġetti tal-enerġija fuq medda ta’ snin;

45.

madankollu, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni turi r-rieda tagħha li timmobilizza b’mod effettiv l-effett ta’ lieva li jista’ jirrappreżenta l-impenn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward tal-prijoritajiet politiċi; jenfasizza l-effett ta’ multiplikatur tal-finanzi pubbliċi lokali u reġjonali, inkluż fir-rigward tal-imsieħba privati u r-rwol federattiv li tista’ taqdi l-UE;

46.

jemmen li huwa ferm importanti li jitnieda self obbligatorju Ewropew għall-proġetti (EU-project bonds), sabiex jiġu ffinanzjati xogħlijiet kbar li jkollhom effetti ekonomiċi għal perjodu ta’ żmien medju u twil. Dan il-mekkaniżmu jista’ jsaħħaħ il-viżibbiltà tal-interventi tal-UE, iżda l-iktar l-effikaċja tagħha. Jista’ jkollu effett ta’ lieva pożittiv immens fuq id-dinamika tas-suq intern u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali. Jidher ċar li dan il-mekkaniżmu huwa konsistenti mal-isforz li qed isir biex l-infiq tal-UE jkun iktar razzjonali u biex ikun hemm enfasi fuq il-valur miżjud Ewropew;

47.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni dwar is-self obbligatorju Ewropa 2020 għall-finanzjament tal-proġetti tal-infrastruttura (Europe 2020 Project Bonds) u jemmen, f’dan il-kuntest, li t-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali għandha titqies bħala prijorità. Madankollu jiddubita li l-użu tas-self obbligatorju għall-finanzjament tal-proġetti għandu jkun limitat bissgħal proġetti trans-Ewropej għall-infrastrutturi tekniċi, peress li proġetti oħra ta’ infrastruttura b’dimensjoni reġjonali jistgħu jippreżentaw valur miżjud Ewropew. Iqis ukoll li r-rabta bejn is-self obbligatorju għall-finanzjament tal-proġetti Ewropej u l-għajnuna Ewropea għandha tiġi ċċarata u li għandhom jiġu adottati miżuri sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jaċċessaw strumenti finanzjarji ġodda.

48.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea twettaq analiżi aktar dettaljata tal-proposta li jinħarġu Euro-bonds li, billi jiġbru parzjalment xi dejn pubbliku, jippermettu lill-pajjiżi kollha fiż-żona tal-euro jisselfu b’rati ta’ interess li jkunu qrib l-aħjar rati fis-suq, jillimitaw l-ispekulazzjoni kontra s-self nazzjonali u jtejbu l-kwalità tal-koordinazzjoni tal-politika baġitarja;

49.

jemmen li baġit kredibbli, bħala lieva għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u territorjali, jirrappreżenta waħda mit-tweġibiet għall-kriżi ekonomika attwali;

L-istruttura tal-infiq

50.

huwa tal-fehma li l-istruttura attwali tal-baġit għandha tiġi abbandunata u jirrakkomanda li l-istruttura l-ġdida tkun prattika, realista, trasparenti u li tinftiehem faċilment, li titfassal b’mod li d-distribuzzjoni tal-kompiti joħroġ fid-dieher – fuq il-bażi ta’ approċċ ta’ governanza f’diversi livelli – u li l-komponenti differenti tal-infiq jiġu stabbiliti skont kif isiru l-ħlasijiet u kif jiġu applikati l-politiki fil-prattika; ma jara l-ebda raġuni għaliex in-numru ta’ intestaturi għandhom jitnaqqsu għal tlieta kbar (infiq intern, infiq estern u nfiq amministrattiv). Il-fatt li jkun hemm ftit intestaturi kbar joħloq livell għoli ta’ aggregazzjoni u, b’riżultat ta’ dan, tintilef ħafna informazzjoni. L-intestaturi l-kbar iridu jkunu maqsuma f’sottokategoriji li jipprovdu informazzjoni ċara. Din il-proposta ma toħloqx aktar trasparenza;

51.

iqis li, filwaqt li jirrappreżentaw l-inċentiv ewlieni għall-mobilizzazzjoni tal-politika, la t-tliet dimensjonijiet tal-Ewropa 2020 (tkabbir intelliġenti, sostenibbli, inklużiv) u lanqas is-seba’ inizjattivi ewlenin ma huma adatti biex jidentifikaw l-istruttura baġitarja. Peress li l-ebda waħda mit-tliet dimensjonijiet ma tista’ tiġbor fiha ċerti politiki waħidha, bħal pereżempju l-politika ta’ koeżjoni jew il-PAK, l-istruttura proposta mill-Kummissjoni twassal għal negozjati interminabbli waqt it-tqassim tal-fondi u l-implimentazzjoni;

52.

iqis, b’mod partikolari, li r-referenza espliċita għall-politika ta’ koeżjoni għandha tkun garantita fl-istruttura baġitarja futura, u għandu jitqies ukoll it-tisħiħ tal-bażi legali tagħha rigward il-koeżjoni (ekonomika, soċjali u territorjali) fil-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona;

53.

għalhekk, jikkunsidra li l-istruttura potenzjali tal-intestaturi baġitarji għandha tippermetti, b’mod partikolari, li jiġu identifikati bl-istess mod il-fondi kollha li jikkorrispondu mal-qafas strateġiku komuni (jiġifieri l-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FAEŻR u l-FES). Din l-istruttura tista’ tkun kif ġej:

1)

Il-politiki għat-territorji (il-politika ta’ koeżjoni, it-tieni pilastru tal-PAK, il-politika komuni tas-sajd, l-impatt territorjali tat-tibdil fil-klima u l-investimenti kbar fl-infrastruttura, fir-riċerka u l-innovazzjoni għall-bilanċ territorjali)

2)

Il-politiki għal futur sostenibbli (l-ewwel pilastru tal-PAK, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, ir-riċerka)

3)

Iċ-ċittadinanza Ewropea (fosthom il-kultura, iż-żgħażagħ, il-komunikazzjoni, iż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja)

4)

Azzjonijiet esterni (fosthom il-politika esterna, il-politika tal-viċinat u l-politika tal-iżvilupp)

5)

Ir-riżerva ta’ flessibbiltà u ta’ interess Ewropew, u r-riżerva ta’ reviżjoni

6)

L-infiq amministrattiv.

Il-perjodu ta’ programmazzjoni tal-qafas finanzjarju

54.

bi pjaċir jinnota li l-proposta tiegħu biex il-perjodu tal-qafas finanzjarju multiannwali jiġi estiż għal għaxar snin b’reviżjoni adegwata f’nofs il-perjodu (“5 + 5”) intlaqgħet tajjeb mill-Kummissjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li l-proposta msemmija tirrappreżenta kompromess potenzjali bejn l-istabbiltà, il-flessibbiltà u s-segwitu parlamentari demokratiku tal-infiq pubbliku Ewropew; ir-reviżjoni f’nofs it-term għandha tillimita l-ammont ta’ finanzjament li jista’ jiġi allokat għal prijoritajiet differenti biex jiġi żgurat li jibqa’ programm ġenwin ta’ għaxar snin u mhux żewġ programmi ta’ ħames snin, li jkun inqas rakkomandabbli mill-programmi attwali ta’ seba’ snin;

55.

jenfasizza li l-politiki ta’ investiment u ta’ żvilupp, bħall-politika ta’ koeżjoni, ma jistgħux jiġu adattati għal perjodu ta’ inqas minn seba’ snin. B’hekk, l-estensjoni għal għaxar snin tipprovdi perjodu u stabbiltà suffiċjenti, filwaqt li tippermetti b’mod konkret il-flessibbiltà f’nofs il-perjodu li hija nieqsa mill-baġit attwali tal-UE;

56.

fil-kuntest tal-proċeduri l-ġodda u l-istrumenti finanzjarji l-ġodda li daħħal it-Trattat ta’ Lisbona, jemmen li r-reviżjoni tkun tista’ ssir verament utli bis-saħħa ta’ mekkaniżmu f’żewġ livelli:

fl-ewwel livell, l-iktar wieħed ġenerali, tista’ tinħoloq “riżerva ta’ reviżjoni” ta’ ammont ta’ 5 % tal-baġit Ewropew sħiħ għall-aħħar ħames snin ta’ programmazzjoni. L-allokazzjoni eżatta ta’ dan l-ammont tiġi negozjata f’nofs il-perjodu: din tista’ twassal għall-konferma tad-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu fil-bidu tal-perjodu bi tqassim proporzjonali identiku bejn l-intestaturi, il-kapitoli, l-Istati Membri, u oħrajn, jew bi tqassim ġdid skont kif jiżviluppaw il-prijoritajiet Ewropej u skont il-kuntest politiku, soċjali u ekonomiku. Ikun xi jkun il-każ, din ir-“riżerva ta’ reviżjoni” għandha tingħaqad mar-“riżerva ta’ flessibbiltà u ta’ interess Ewropew”, prevista mill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-mekkaniżmi ġodda ta’ flessibbiltà;

fit-tieni livell, fi ħdan il-parti marbuta mal-politika ta’ koeżjoni u l-politiki l-oħra ta’ żvilupp territorjali inklużi fil-qafas strateġiku komuni, l-Istati Membri, bi qbil mar-reġjuni, jistgħu jkunu awtorizzati jipprogrammaw mill-ġdid sa 25 % tal-ammonti stabbiliti fil-kuntratti ta’ sħubija għall-investiment u l-iżvilupp. Din il-programmazzjoni tista’ ssir fost id-diversi fondi konċernati, jiġifieri l-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES);

Nirrispondu għat-tibdil fiċ-ċirkostanzi – flessibbiltà u trasferiment tal-krediti

57.

iqis li l-flessibbiltà tal-baġit għandha tkun żgurata, fuq naħa, bil-għan li f’nofs il-perjodu tkun tista’ tingħata direzzjoni strateġika ġdida, permezz ta’ “riżerva ta’ reviżjoni”, u fuq in-naħa l-oħra, bil-għan li jiġu indirizzati l-ostakli imprevisti u straordinarji, permezz ta’ “riżerva ta’ flessibbiltà u ta’ interess Ewropew”, filwaqt li jiġi żgurat li l-infiq Ewropew isir bl-aktar mod effiċjenti;

58.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni, iżda jisħaq li l-flessibbiltà m’għandhiex isservi bħala pretest għas-sottovalutazzjoni tal-ħtiġijiet baġitarji tal-politiki tal-UE, u li l-persentaġġ obbligatorju, li skont il-proposta tal-Kummissjoni għandu jkun ta’ 5 %, għandu jibqa’ indikattiv billi l-marġni ta’ flessibbiltà jiddependi minn indikaturi varjabbli skont iċ-ċirkostanzi politiki u ekonomiċi;

59.

jenfasizza li r-“riżerva ta’ flessibbiltà u ta’ interess Ewropew” m’għandha bl-ebda mod tkun intiża biex tippremja l-aħjar prestazzjonijiet fl-assorbiment tal-finanzi, iżda għandha ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE biex tirreaġixxi b’mod iktar mgħaġġel għall-isfidi l-ġodda jew għax-xokkijiet imprevisti, tappoġġja l-prijoritajiet il-ġodda jew tippromovi l-kooperazzjoni u l-esperimentazzjoni fil-livell Ewropew. Din ir-riżerva m’għandhiex tiġi allokata minn qabel, iżda għandha tkun riżultat ta’ deċiżjoni ċara tal-awtorità baġitarja. Hija tista’ tippremja l-eċċellenza ta’ xi intestaturi baġitarji, valutati f’termini tal-impatt u r-riżultati tagħhom;

60.

barra minn hekk, iqis li l-flessibbiltà rigward ir-riżorsi li ma jintużawx fil-baġit Komunitarju għandha tiġi applikata skont kriterju oġġettiv ta’ eċċellenza fil-ġestjoni, u bl-ebda mod m’għandha sservi għal finijiet oħra;

61.

iqis li l-possibbiltà tar-riallokazzjoni, li tippermetti t-trasferimenti bejn l-intestaturi għal sena partikolari, bħalma tipprevedi l-Kummissjoni, hija neċessarja peress li ħareġ fid-dieher li s-sistema attwali hija wisq riġida. Jeħtieġ li jiġi analizzat kif tista’ ssir is-semplifikazzjoni ta’ dawn it-trasferimenti fi ħdan il-qafas finanzjarju multiannwali filwaqt li jiġi rispettat bis-sħiħ il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda u ta’ dixxiplina baġitarja;

62.

bi pjaċir jilqa’ l-proposta li tinħoloq il-possibbiltà li l-marġnijiet li ma jintużawx jiġu trasferiti minn sena għal oħra, biex jiġi evitat li jerġgħu jiġu allokati awtomatikament lill-Istati Membri, kif ukoll biex tingħata l-libertà li l-ispejjeż jiġu avvanzati jew jitwarrbu fil-qafas tar-reviżjoni multiannwali ta’ intestatura partikolari;

63.

ifakkar fil-bżonn ta’ flessibbiltà fil-livelli kollha, billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw il-possibbiltà li jallokaw mill-ġdid il-fondi, filwaqt li, jekk ikun hemm bżonn, jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-prijoritajiet u l-infiq;

Effiċjenza

64.

jilqa’ t-talba tal-Kummissjoni li tiżdied l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-baġit tal-UE, billi l-ġestjoni aktar effiċjenti tal-infiq tagħti riżultati aħjar, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimentaha mingħajr dewmien;

65.

iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jsaħħu r-riżorsi tekniċi u umani tagħhom, filwaqt li jemmen li għandha titnaqqas il-kumplessità tal-proġetti ffinanzjati mill-UE, l-aktar il-piż amministrattiv u l-burokrazija; fil-kuntest tal-kriżi ekonomika li wasslet għal tnaqqis importanti fil-baġits pubbliċi u biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti tal-baġit tal-UE, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati livelli adatti ta’ finanzjament bil-għan li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jieħdu sehem fi proġetti kbar finanzjati mill-fondi strutturali;

66.

jilqa’ wkoll il-proposta li l-infiq għandu jiffoka fuq prijoritajiet konkreti, filwaqt li jirrikonoxxi li r-reġjuni l-anqas żviluppati għandhom jingħataw l-opportunità li jiffissaw għadd akbar ta’ prijoritajiet; għalhekk jipproponi li l-għanijiet ma jiżdidux b’mod eċċessiv, u għandu jitqies ukoll li t-tkabbiriet suċċessivi tal-UE wasslu għal disparitajiet ikbar fi ħdan l-UE;

67.

josserva li l-uniku mod biex tinkiseb l-effiċjenza fl-implimentazzjoni tal-baġit Komunitarju, u b’hekk fl-infiq, huwa permezz tal-koordinazzjoni, il-koerenza u l-kooperazzjoni, kemm bejn il-livelli differenti ta’ amministrazzjoni kif ukoll bejn il-fondi; għalhekk, jidher kontradittorju li nerġgħu lura għall-programmazzjoni b’fond uniku, li jfisser li jridu jinħolqu mekkaniżmi ġodda għall-koordinazzjoni bejn il-fondi biex jiġi evitat ix-xogħol żejjed u doppju; josserva li huma l-benefiċjarji tal-fondi li jesperjenzaw id-diffikultajiet li għandu tendenza joħloq dan in-nuqqas ta’ koordinazzjoni. Din il-koordinazzjoni hija kruċjali għat-titjib tal-effikaċja tal-ġestjoni;

Il-baġit Ewropew u l-governanza ekonomika tal-Unjoni

68.

itenni t-twiddib tiegħu dwar ir-rabta potenzjali bejn l-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali u l-konformità tal-Istati Membri mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u jesprimi tħassib serju dwar il-kundizzjonijiet proposti li kieku jiġu applikati fil-livell lokali u reġjonali u li jmorru kontra l-prinċipji ta’ governanza tajba u ta’ responsabbiltà fil-livelli kollha;

69.

huwa ferm kontra l-proposta li n-nuqqas ta’ konformità ta’ Stat Membru għandu jwassal biex jieqaf l-għoti tal-finanzjament taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, il-Politika Agrikola Komuni u l-Politika Komuni tas-Sajd għax l-awtoritajiet reġjonali ma jistgħux jinżammu responabbli għan-nuqqas ta’ kapaċità tal-istituzzjonijiet nazzjonali li jissodisfaw il-kriterji makroekonomiċi jew li jimplimentaw il-leġislazzjoni tal-UE b’mod korrett u hemm il-periklu li miżura bħal din tolqot l-aktar lil dawk ir-reġjuni li għadhom lura fl-iżvilupp tagħhom u li għandhom bżonn programmi ffinanzjati b’mod konġunt biex jindirizzaw d-dgħufijiet strutturali tagħhom;

70.

jitlob li, sabiex jissaħħu l-inċentivi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu assoċjati mill-ewwel fl-analiżi tas-sitwazzjoni u fil-ħidma biex jinstabu s-soluzzjonijiet;

71.

jiddikjara li huwa lest li jaħdem mal-istituzzjonijiet l-oħra favur il-ħolqien ta’ sistema vera ta’ kundizzjonalità fil-ħlas tal-fondi, billi jfittex li l-proċeduri tal-kontroll purament formali jiġu ssemplifikati;

72.

jitlob li ssir reviżjoni komprensiva tar-regolament finanzjarju tal-UE biex ir-regoli finanzjarji jsiru aktar sempliċi biex jiġu implimentati u biex jiġu infurzati bil-għan li aktar benefiċjarji potenzjali jitħeġġu japplikaw għas-sejħiet għall-offerti tal-UE;

Riforma tal-finanzjament

73.

itenni li s-sistema l-ġdida ta’ finanzjament tal-baġit tal-UE għandha tissejjes fuq it-trasparenza u fuq ir-riżorsi proprji l-ġodda biex jiġi eskluż kull tip ta’ korrezzjoni finanzjarja u eżenzjoni;

74.

iqis li ma jistgħux isiru negozjati tal-baġit Ewropew f’termini tal-kontributi netti tal-Istati Membri biss għax dawn ma jikkonformawx mal-filosofija li fuqha ssejset l-Unjoni Ewropea, u jmorru kontra l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020; hemm ir-riskju li approċċ bħal dan iwassal għal talbiet għar-rinazzjonalizzazzjoni tal-politiki li l-KtR jopponi bil-qawwa;

75.

jilqa’ l-ideat imressqa mill-Kummissjoni għall-identifikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament fuq il-bażi tar-riżorsi proprji. Josserva li l-impatt ta’ kull waħda minn dawn l-għażliet fil-livell territorjali huwa differenti, u li ċerti azzjonijiet ippjanati diġà qed jittieħdu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali f’xi wħud mill-Istati Membri;

76.

ser jevalwa bir-reqqa l-impatt ta’ kull waħda minnhom fil-livell territorjali, b’interess partikolari f’dawk li huma l-iktar marbuta mat-tkabbir sostenibbli, sakemm ir-riżorsi li jiġu diżimpenjati jiġu trasferiti direttament lejn proġetti maħsuba biex jippromovu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-ħarsien tal-ambjent, il-prevenzjoni tar-riskji jew l-interventi fil-każ ta’ diżastri kbar fil-livell territorjali;

77.

huwa tal-fehma li, fit-tul, iż-żieda fir-riżorsi proprji eżistenti u/jew l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda għandu jkollhom l-għan li jissostitwixxu l-kontributi nazzjonali għall-baġit tal-UE. Jenfasizza li:

jeħtieġ li titwettaq valutazzjoni ddettaljata tal-impatt u tal-fattibbiltà qabel ma jintlaħaq ftehim dwar kwalunkwe riżorsi ġodda proprji;

kwalunkwe sors ġdid ta’ dħul għandu jkun sors stabbli ta’ dħul u m’għandux ikun soġġett għal bidliet imprevedibbli;

78.

jisħaq fuq il-fatt li l-użu ta’ dawn ir-riżorsi finanzjarji għandu jkun ibbażat fuq proċeduri amministrattivi flessibbli.

Brussell, 31 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 16/2008 fin.


7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/18


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali”

2011/C 166/04

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jirrikonoxxi li l-kompetenza sabiex jittieħdu azzjonijiet fil-livell lokali f’dan il-qasam tinsab prinċipalment f’idejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għalkemm il-Kummissjoni tista’ tappoġġja dan permezz tal-fondi tal-UE u billi tiffaċilita l-iskambji reċiproki tal-aħjar prattika, u permezz ta’ għarfien kondiviż u valutazzjoni korretta tal-impatt soċjali tal-politiki tal-UE;

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għall-azzjoni kontra l-faqar fost it-tfal bħala prijorità tal-inizjattiva ewlenija, madankollu, jiddispjaċih għall-impenn limitat sabiex dan isir u l-perspettiva dejqa li biha ġie ttrattat il-faqar fost it-tfal, u ma jara l-ebda raġuni għad-dewmien fl-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Faqar fost it-Tfal fl-2011;

jitlob l-appoġġ espliċitu tal-Kummissjoni għaż-żamma u t-tkomplija tal-ħidma tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, u jitlobha tanalizza kif il-partijiet interessati reġjonali u lokali jistgħu jipparteċipaw b’mod aktar effettiv f’dan il-proċess;

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tħejji Linji Gwida fil-livell tal-UE għall-Istati Membri sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra jipparteċipaw b’mod effettiv fit-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma; jinnota li l-“patti territorjali” potenzjalment huma l-aktar mekkaniżmu komprensiv u koerenti sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti f’dan il-proċess;

jappoġġja l-fatt li jitwessa’ l-ambitu tal-Fond Soċjali Ewropew mill-impjegabbiltà u l-kwantità tal-impjiegi għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, bil-kundizzjoni li politika tax-xogħol integrata bħala element ċentrali fi sforz li jkollu suċċess biex jitnaqqas il-faqar, tibqa’ prijorità assoluta fil-qafas tal-FSE;

jinnota l-appoġġ enormi minn dawk li wieġbu l-istħarriġ tal-Kumitat tar-Reġjuni għal prijorità obbligatorja biex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar taħt il-programmi reġjonali futuri fi ħdan il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE;

Relatur

Is-Sinjura Christine CHAPMAN (UK/PSE), Membru tal-Assemblea Nazzjonali ta’ Wales

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea fil-Parlament Ewropew lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali”

COM(2010) 758 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Viżibbiltà u impenn … bejn il-kliem u l-fatti, hemm baħar jikkumbatti

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-UE li teħles tal-inqas 20 miljun ruħ mill-periklu tal-faqar u l-esklużjoni soċjali sal-2020, u jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali” (COM(2010) 758 finali) bħala qafas dinamiku għall-azzjoni li tippermetti li jintlaħaq dan il-għan;

2.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-faqar u l-esklużjoni soċjali ngħataw aktar attenzjoni fl-Istrateġija Ewropa 2020, u jaqbel li d-dimensjoni soċjali għandha tkun fil-qalba ta’ din l-istrateġija; ifakkar li l-faqar jhedded mill-inqas wieħed minn kull sitt ċittadini fl-Ewropa;

3.

jinnota li s-suċċess tal-inizjattiva ewlenija jitkejjel permezz tal-mod li din timplimenta, tħeġġeġ u tappoġġja – f’termini politiċi, tekniċi u finanzjarji – l-azzjonijiet li jwasslu għal bidla sostenibbli f’ħajjet kull individwu;

4.

jirrikonoxxi, f’dan il-kuntest, l-importanza tal-parteċipazzjoni tal-persuni f’sitwazzjoni ta’ faqar u tal-NGOs li jaħdmu magħhom;

5.

jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex juru rieda politika ġenwina sabiex l-impenji tal-UE fil-qasam tal-faqar jiġu tradotti f’azzjoni reali, fuq il-bażi ta’ approċċ li japplika d-drittijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll jinkludi l-klawżola soċjali orizzontali, bil-kooperazzjoni mill-qrib tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jieħdu din l-opportunità sabiex jibnu soċjetà aktar imparzjali, aktar ġusta u aktar retta;

6.

jinnota, madankollu, li l-faqar u l-esklużjoni soċjali ma jistgħux jitnaqqsu b’mod sostenibbli, u lanqas ma jista’ jinkiseb tkabbir inklużiv, mingħajr ma tiġi ttrattata l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni; jinnota wkoll li ż-żieda fit-tkabbir u l-impjieg matul l-2000-2008 ma kellhiex impatt sostanzjali fuq il-faqar, filwaqt li l-inugwaljanza żdiedet f’diversi pajjiżi; din is-sitwazzjoni marret għall-agħar b’konsegwenza tal-kriżi soċjali u ekonomika attwali;

7.

jinsisti fuq il-bżonn li tingħata prijorità lill-adozzjoni ta’ qafas u pjan direzzjonali biex tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni relatata mal-inklużjoni attiva, u lill-adozzjoni ta’ direttiva li tiggarantixxi dħul minimu adegwat, li minn tal-inqas ikun ogħla mil-linja tal-faqar;

8.

jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-iżbilanċ bejn l-impenn preċedenti tal-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura “tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” u l-Komunikazzjoni reċenti dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir b’enfasi fuq konsolidazzjoni fiskali iktar qawwija;

9.

jenfasizza l-importanza tax-xogħol, iżda josserva wkoll li l-impjieg biss ma jiggarantixxix tmiem il-faqar u li tenħtieġ aktar azzjoni biex jiġi miġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu, u jiġi assigurat aċċess għal impjieg ta’ kwalità u sostenibbli; jiddispjaċih li ma ġietx enfasizzata aktar il-kwistjoni prinċipali li jiġi garantit dħul adegwat, b’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/411/KEE u mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2008 dwar l-Inklużjoni Attiva;

10.

jinnota li jrid isir sforz biex jintlaħqu l-miri ta’ kwalità għolja tal-ħajja u l-benesseri għaċ-ċittadini kollha tal-UE bil-għan li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali li huma realtà għal numru kbir wisq ta’ ċittadini tal-UE. Għandhom jittieħdu miżuri biex jitnaqqsu l-“effetti tal-limitu” u jinstabu modi ġodda li jiftħu l-aċċess għas-suq tax-xogħol, u jiġu estiżi dawk eżistenti, għaċ-ċittadini f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni;

11.

jirrikonoxxi li l-kompetenza sabiex jittieħdu azzjonijiet fil-livell lokali f’dan il-qasam tinsab prinċipalment f’idejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għalkemm il-Kummissjoni tista’ tappoġġja dan permezz tal-fondi tal-UE u billi tiffaċilita l-iskambji reċiproki tal-aħjar prattika, u permezz ta’ għarfien kondiviż u valutazzjoni korretta tal-impatt soċjali tal-politiki tal-UE; f’dan il-kuntest jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni għall-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali iżda jitlob li dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt iqisu l-ispeċifiċitajiet tat-territorji;

12.

itenni l-bżonn li tiġi introdotta klawżola soċjali orizzontali fil-kuntest tal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tassigura li l-leġislazzjoni relatata mas-suq uniku tikkunsidra l-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, b’mod partikulari livell għoli ta’ impjieg, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u politika tad-djar soda, mingħajr ma dan kollu jillimita b’xi mod l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u fit-Trattati tal-UE;

13.

jirrikonoxxi l-ħidma li saret matul is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) sabiex dawn il-kwistjonijiet joħorġu aktar fid-dieher; ifittex li l-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali tintuża bħala mutur sabiex jiġi assigurat li l-frott li tagħti s-Sena Ewropea jiddaħħal fil-prijoritajiet politiċi tal-UE għall-għaxar snin li ġejjin;

In-natura multidimensjonali tal-faqar u l-gruppi partikularment vulnerabbli

14.

jilqa’ b’mod pożittiv il-fatt li l-Komunikazzjoni tirrikonoxxi n-natura multidimensjonali tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, u b’mod partikulari r-referenzi espliċiti għall-faqar fost it-tfal, iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-ħaddiema fqar (inklużi l-familji b’ġenitur wieħed u dawk b’paga waħda), in-nisa, il-persuni b’diżabbiltà, il-migranti, il-minoranzi etniċi u r-Roma;

15.

jilqa’ b’mod pożittiv il-fatt li jiġu rikonoxxuti l-elementi kumplessi li jikkontribwixxu għall-faqar, inklużi l-aċċess għall-impjieg, id-dħul baxx u d-dejn personali, l-aċċess għas-servizzi bażiċi, l-edukazzjoni, is-saħħa fiżika u dik mentali, l-akkomodazzjoni, id-diskriminazzjoni kif ukoll l-isfida tat-trasmissjoni minn ġenerazzjoni għal oħra tal-faqar u d-dimensjoni territorjali tal-faqar;

16.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għall-importanza li tiġi miġġielda l-problema tal-persuni mingħajr dar u jfakkar fl-opinjoni tiegħu reċenti dwar din il-kwistjoni (1);

17.

jirreferi għall-opinjoni tiegħu dwar “Il-Green Paper – Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri” (2) u jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar tal-Kummissjoni li fl-2011 ser tippreżenta White Paper sabiex tindirizza s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tal-pensjonijiet;

18.

itenni s-sejħa lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi aġenda Ewropea ambizzjuża dwar l-akkomodazzjoni soċjali li ser issaħħaħ ir-rwol tagħha fil-politiki ta’ inklużjoni soċjali fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-Fondi Strutturali u tikkonferma li l-funzjonijiet tas-servizzi pubbliċi fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali għandhom jiġu definiti fil-livell tal-Istati Membri;

19.

jaqbel li sabiex jitnaqqas u jiġi ostakolat il-faqar hemm bżonn ta’ approċċ integrat u olistiku li jkopri l-gruppi differenti u l-isfidi partikulari li jiffaċċjaw;

20.

jerġa’ jinsisti fuq ir-rwol essenzjali li jistgħu jaqdu f’dan il-kuntest il-persuni li huma stess esperjenzjaw il-faqar u l-NGOs li jaħdmu mal-persuni f’din is-sitwazzjoni, u barra minn hekk jirrikonoxxi li jkun għaqli li l-atturi l-oħra kkonċernati, bħall-imsieħba soċjali, il-provvedituri tas-servizzi pubbliċi u privati, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll il-gvernijiet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti f’dan l-approċċ globali u integrat;

21.

jenfasizza l-aspetti esterni negattivi assoċjati mal-faqar u l-esklużjoni soċjali, inklużi l-impatt fuq is-saħħa fiżika u dik mentali, l-impatt fuq is-solidarjetà fi ħdan is-soċjetà, in-nuqqas ta’ fiduċja u ta’ impenn, il-vjolenza u l-ferment soċjali potenzjali;

22.

jitlob li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jirrikonoxxu aktar il-fatt li l-faqar huwa responsabbiltà ta’ kulħadd u sfida għas-soċjeta kollha, u m’għandux jitqies bħala stigma jew falliment tal-persuni li huma fqar jew esklużi soċjalment;

23.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn li matul il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2011 tiġi adottata strateġija għall-integrazzjoni soċjali tar-Roma;

Il-faqar fost it-tfal

24.

jenfasizza b’mod partikulari l-importanza li jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal – diżunur għas-soċjetà tal-UE – u jaqbel li din il-kwistjoni hija fattur importanti sabiex tiġi ttrattata t-trasmissjoni bejn il-ġenerazzjonijiet tal-faqar, li jeħtieġ prevenzjoni globali li tpoġġi d-drittijiet tat-tfal fuq quddiem nett;

25.

jiddispjaċih li l-mexxejja tal-UE ma laħqux ftehim dwar mira/impenn speċifiku dwar il-faqar fost it-tfal fl-Istrateġija Ewropa 2020;

26.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għall-azzjoni kontra l-faqar fost it-tfal bħala prijorità tal-inizjattiva ewlenija, madankollu, jiddispjaċih għall-impenn limitat sabiex dan isir u l-perspettiva dejqa li biha ġie ttrattat il-faqar fost it-tfal, u ma jara l-ebda raġuni għad-dewmien fl-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar il-Faqar fost it-Tfal fl-2011;

27.

jitlob li l-problema tal-faqar fost it-tfal tiġi ttrattata b’mod aktar komprensiv, u jinnota li l-UE diġà avvanzat fil-ħidma tagħha billi stabbilixxiet “prinċipji komuni”, kif jidher fid-dikjarazzjoni ffirmata mit-tliet Presidenzi tal-UE (il-Belġju, l-Ungerija u l-Polonja) matul il-Konferenza dwar il-Faqar fost it-Tfal f’Settembru 2010, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Impjiegi tas-6 ta’ Diċembru 2010, li jsejħu sabiex il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal tkun prijorità;

28.

jinnota wkoll l-azzjonijiet li qegħdin jittieħdu fil-livell reġjonali sabiex il-faqar fost it-tfal jiġi indirizzat b’mod aktar komprensiv u jħeġġeġ l-aħjar prattiki sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli f’dan ir-rigward;

29.

isejjaħ biex il-valutazzjonijiet tal-impatt soċjali jqisu b’mod espliċitu l-impatt li jista’ jkollhom il-miżuri fuq is-sitwazzjoni diġà prekarja tat-tfal tal-familji li huma f’riskju ta’ faqar;

Il-kriżi soċjali, finanzjarja u ekonomika

30.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenzi għall-kriżi ekonomika u finanzjarja, madankollu jinsab diżappuntat li l-Komunikazzjoni ma tagħmilx aktar minn hekk; jitlob li l-ispiża soċjali sinjifikanti b’riżultat ta’ dan tiġi rikonoxxuta aktar; u jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tanalizza fid-dettall l-impatt li l-miżuri ta’ awsterità meħuda mill-gvernijiet nazzjonali fl-Ewropa kollha qed ikollhom u ser ikollhom fis-snin li ġejjin fuq il-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż l-effett fil-livell lokali u reġjonali fuq il-provvediment tas-servizzi bażiċi ta’ interess ekonomiku ġenerali;

31.

iħeġġeġ ukoll li ssir valutazzjoni tar-riformi mwettqa, b’mod partikulari tal-iskala, l-ispejjeż u l-impatt tal-innovazzjonijiet soċjali, u li soluzzjonijiet ġodda li jagħtu prova li huma effettivi jiġu żviluppati u applikati madwar l-Ewropa;

32.

itenni r-riskju potenzjali li tintilef ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ b’riżultat tal-impatt tal-kriżi, kif jidher mill-fatt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied għal 21 % fl-2010; madankollu, itenni li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa problema kontinwa u diffiċli li tissolva, li minn 14,5 % fl-2000 żdied għal 18 % fl-2008; jinnota li dawn il-figuri jaħbu varjazzjonijiet sinjifikanti fl-UE, bejn l-Istati Membri u fi ħdan l-Istati Membri, u anke fil-komunitajiet iż-żgħar;

33.

jiġbed l-attenzjoni għad-diffikultajiet li jkollhom dawk li jinsabu fil-faqar biex jiksbu aċċess regolari għas-Servizzi Bankarji u Finanzjarji, u għar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-għoti ta’ informazzjoni, appoġġ u pariri finanzjarji;

34.

isejjaħ għal azzjoni urġenti sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ta’ dejn personali għoli; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan il-kuntest, l-impenn imtenni permezz tal-Faċilità ta’ Mikrofinanzjament għall-Progress għall-għoti ta’ mikrokreditu, iżda jħeġġeġ li jkun hemm il-prudenza fil-miżuri li jittieħdu bil-għan li jistimulaw forom ġodda ta’ mikrofinanzjament kummerċjali, iggwidati mill-profitt għal dawk li jsellfu iktar milli t-tiftix ta’ attività ekonomika finanzjarjament u soċjalment sostenibbli;

Governanza u sħubija

35.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għas-sehem tal-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz tal-Kumitat tar-Reġjuni bħala mezz sabiex tingħata aktar rilevanza lid-dimensjoni territorjali tal-faqar u jissaħħu s-sinerġiji fl-għoti tal-fondi tal-UE; jistaqsi għaliex l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jissemmewx fis-sezzjoni 3.5, fir-rigward ta’ koordinazzjoni ta’ politika aħjar bejn l-Istati Membri, peress li f’ħafna Stati Membri dawn għandhom kompetenza diretta fil-politika soċjali;

36.

jitlob l-appoġġ espliċitu tal-Kummissjoni għaż-żamma u t-tkomplija tal-ħidma tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għall-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali, u jitlobha tanalizza kif il-partijiet interessati reġjonali u lokali jistgħu jipparteċipaw b’mod aktar effettiv f’dan il-proċess; jenfasizza l-valur tal-ħidma tagħha sabiex tingħata iktar attenzjoni lill-kwistjonijiet bħall-inklużjoni attiva u l-faqar fost it-tfal;

37.

ifittex li jiġi ċċarat l-istatus tal-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Inklużjoni Soċjali u li dawn jiġu integrati fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma għall-Ewropa 2020; jitlob konferma li dan l-approċċ – jekk fil-fatt din hi l-intenzjoni – ma jiffukax b’mod riġidu wisq fuq il-miri “makroekonomiċi” u li l-Kummissjoni terġa’ tikkunsidra li tuża’ mill-ġdid il-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Inklużjoni Soċjali jekk din l-integrazzjoni ma tagħtix ir-riżultati mixtieqa;

38.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tħejji Linji Gwida fil-livell tal-UE għall-Istati Membri sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra jipparteċipaw b’mod effettiv fit-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma; jinnota li l-“patti territorjali” potenzjalment huma l-aktar mekkaniżmu komprensiv u koerenti sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti f’dan il-proċess, kif stabbilit fil-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni;

39.

jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-Komunikazzjoni dwar l-Inklużjoni Attiva ġiet posposta għall-2012, u jitlob lill-Kummissjoni tippubblika din il-Komunikazzjoni fl-2011, flimkien ma’ valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-inklużjoni attiva;

40.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għall-parteċipazzjoni tal-persuni li qegħdin jesperjenzaw il-faqar bħala objettiv prinċipali tal-politiki ta’ inklużjoni, u jixtieq jara aktar impenn espliċitu fl-inizjattiva ewlenija dwar kif il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel dan, inklużi l-gruppi ta’ mira prinċipali identifikati fil-Komunikazzjoni. Pereżempju, dan ser jagħmel parti mill-kumitat ta’ tmexxija ta’ livell għoli li għandu jitwaqqaf sabiex jippromovi l-azzjonijiet ta’ innovazzjoni soċjali?

Il-koeżjoni territorjali u l-finanzjament futur tal-UE

41.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza għall-koeżjoni territorjali fit-titolu tal-Komunikazzjoni u jenfasizza li l-pjattaforma u l-fondi strutturali tal-UE li huma proposti mhumiex biss il-mezz kif tiġi applikata l-Istrateġija Ewropa 2020 iżda għandhom rwol akbar fl-indirizzar tal-objettiv tal-koeżjoni soċjali u territorjali li huwa parti mit-Trattati tal-UE;

42.

jaqbel li għandhom jiġu eżaminati l-modi sabiex dawn il-fondi strutturali jiġu użati aħjar u b’mod aktar effettiv, b’konformità mal-objettivi tal-Ewropa 2020 u jappoġġja l-fatt li jitwessa’ l-ambitu tal-Fond Soċjali Ewropew mill-impjegabbiltà u l-kwantità tal-impjiegi għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, bil-kundizzjoni li politika tax-xogħol integrata bħala element ċentrali fi sforz li jkollu suċċess biex jitnaqqas il-faqar, tibqa’ prijorità assoluta fil-qafas tal-FSE; b’mod partikulari għandhom jinħolqu u jixterrdu innovazzjonijiet soċjali, sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati soluzzjonijiet ġodda bħala tweġiba għall-problemi u l-isfidi, u biex dawk l-approċċi li taw prova tas-suċċess tagħhom ikunu jistgħu jinġabru flimkien u jintużaw bħala punt ta’ riferiment għall-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali; jinnota li l-kisba tal-mira ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75 % mhix biżżejjed minnha nnifisha sabiex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u li għandha ssir enfasi akbar fuq l-indirizzar tal-problemi tal-ħaddiema fqar u fuq iż-żieda tal-kwalità u s-sostenibbiltà tal-impjiegi fl-Ewropa, inklużi l-miżuri li għandhom l-għan li jassiguraw dħul adegwat, inklużi l-benefiċċji soċjali;

43.

jenfasizza r-realtà tal-miżuri ta’ awsterità li ttieħdu minn ħafna mill-Istati Membri, kif ukoll l-impatt immedjat tagħhom fuq nies li qed jgħixu fil-faqar u l-esklużjoni, jinnota l-appoġġ enormi minn dawk li wieġbu l-istħarriġ tal-Kumitat tar-Reġjuni għal prijorità obbligatorja biex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar taħt il-programmi reġjonali futuri fi ħdan il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE; għaldaqstant, isejjaħ lill-Kummissjoni biex tqis dan il-punt fil-proposti leġislattivi li ser jiġu ppreżentati fl-2011, filwaqt li jenfasizza l-importanza li tiġi assigurata l-flessibilità fil-livell lokali u reġjonali sabiex jiġu determinati l-metodi ta’ implimentazzjoni l-iktar adatti fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar fil-prattika;

44.

jappoġġja l-isforzi sabiex jissaħħu l-koordinazzjoni/sinerġiji bejn il-fondi strutturali differenti tal-UE biex jiġi assigurat approċċ konġut ħalli tiġi ttrattata n-natura multidimensjonali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluża d-dimensjoni territorjali tal-faqar;

45.

jinsab lest li jassisti lill-Kummissjoni Ewropea fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 mill-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz tal-Pjattaforma tiegħu għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020;

L-ekonomija soċjali, l-innovazzjoni soċjali u l-esperimentazzjoni

46.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-kontribut li l-ekonomija soċjali, il-volontarjat u r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji jistgħu jagħmlu fir-rigward tal-valur miżjud għall-provvediment attwali tas-servizzi pubbliċi universali;

47.

jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-parteċipazzjoni attiva tal-atturi kollha kkonċernati, inklużi dawk li qed jiffaċċjaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-NGOs li jaħdmu mal-persuni f’sitwazzjoni ta’ faqar, l-imsieħba soċjali, il-provvedituri tas-servizzi u, bla dubju, il-gvern fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE;

48.

jaqbel mal-prinċipji gwida adottati miċ-Ċentru Ewropew għall-Volontarjat fil-qafas tas-Sena Ewropea għall-Volontarjat 2011, u jenfasizza b’mod partikulari li l-volontarjat, bħala attività mhux imħallsa li titwettaq b’mod ħieles, m’għandux jissostitwixxi l-impjieg imħallas u m’għandux jintuża bħala alternattiva rħisa għall-ħaddiema u lanqas mis-servizzi governattivi/pubbliċi bħala mod kif jitnaqqsu l-ispejjeż;

49.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva li għandha l-għan li tħeġġeġ il-kumpaniji jħaddmu persuni minn gruppi żvantaġġjati u jqisu aħjar l-aspetti soċjali fl-akkwist pubbliku;

50.

għalhekk, jirrikonoxxi l-importanza li jiġu appoġġjati l-ekonomija soċjali u l-iskemi speċjali għall-impjieg bil-għan li jinkisbu kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol u impjiegi aktar sostenibbli;

51.

itenni l-importanza tal-miżuri li jissemplifikaw l-aċċess tal-NGOs u s-sħubijiet żgħar għall-fondi tal-UE, fosthom li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-għotjiet globali ta’ fondi għall-organizzazzjonijiet żgħar;

52.

fl-aħħar, jaqbel li l-innovazzjoni soċjali bbażata fuq il-fatti tista’ tkun kruċjali għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda jew sabiex jiġu ffaċċjati sfidi ġodda, iżda jenfasizza li approċċ bħal dan għandu jirrikonoxxi l-prattiki tajba eżistenti fl-Ewropa, u jfittex li jappoġġja u jħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prattika, it-tagħlim reċiproku u r-reviżjoni bejn il-pari mill-NGOs jew l-organizzazzjonijiet tal-komunità, b’enfasi partikulari fuq azzjonijiet fuq skala żgħira u l-ħidma fil-lokal minn dawn l-organizzazzjonijiet. Azzjonijiet bħal dawn għandhom jiġu introdotti b’mod sensittiv sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ malafama tal-fqar, u għal din ir-raġuni, il-Kumitat iħeġġeġ li l-frażi “esperimentazzjoni soċjali” tintuża bi prudenza.

Brussell, 31 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 18/2010, adottata f’Ottubru 2010.

(2)  ECOS-V-008 CdR 319/2010 finali li għandha tiġi adottata fis-28 ta’ Jannar 2011.


7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/23


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Strateġija għar-Reġjun tad-Danubju”

2011/C 166/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ bis-sħiħ l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju (COM(2010) 715 finali) li tintegra numru ta’ rakkomandazzjonijiet li l-Kumitat tar-Reġjuni ressaq fl-opinjoni preċedenti tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2009. Fil-fatt, l-Istrateġija hija importanti ħafna għall-kooperazzjoni reġjonali u lokali fir-reġjun tad-Danubju;

jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-fatt li l-inklużjoni konsegwenti u kontinwa ta’ kull min hu interessat anki fil-futur, hija importanti għall-implimentazzjoni u s-suċċess tal-għanijiet tal-Istrateġija;

jilqa’ l-fatt li ser jinħatru koordinaturi nazzjonali u reġjonali iżda l-kompitu tagħhom ma ġiex deskritt bir-reqqa fil-Komunikazzjoni. L-iżvilupp tal-makroreġjuni għadu jibda, għalhekk il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ lill-koordinaturi tal-istrateġija sabiex jipparteċipaw ta’ spiss fi skambju tal-esperjenza u li joħolqu l-possibbiltà ta’ skambju tal-esperjenza bejn l-Istrateġija għall-Baħar Baltiku u l-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju;

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-proċeduri ta’ selezzjoni tal-proġetti fir-rigward tal-istrateġiji makroreġjonali, joffru l-kundizzjonijiet adegwati li jiżguraw li s-sistemi ta’ finanzjament u l-mezzi attwali jistgħu jintużaw speċifikament għall-istrateġija;

iħeġġeġ li jiġi eżaminat jekk b’riżultat tal-importanza partikolari ġeografika, storika u kulturali tar-reġjun tad-Danubju, il-kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk fil-qafas tal-Programm “Kooperazzjoni Territorjali Ewropa”, komponent B, tistax tiġi adattata għal dan. B’hekk il-politika ta’ koeżjoni tkun tista’ tqis il-makroreġjun il-ġdid tad-Danubju u tippermetti kooperazzjoni fi spazju uniku ta’ kooperazzjoni.

Relatur

Is-Sur Wolfgang REINHART (DE/PPE), Ministru għall-Affarijiet Federali u Ewropej tal-Land ta’ Baden-Württemberg

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju

COM(2010) 715 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ bis-sħiħ l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju (COM(2010) 715 finali) li tintegra numru ta’ rakkomandazzjonijiet li l-Kumitat tar-Reġjuni ressaq fl-opinjoni preċedenti tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2009. Fil-fatt, l-Istrateġija hija importanti ħafna għall-kooperazzjoni reġjonali u lokali fir-reġjun tad-Danubju, bħalma rrikonoxxa wkoll il-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2011.

2.

jinnota li l-makroreġjuni għandhom ukoll l-għan li f’reġjuni funzjonali jtejbu l-effiċjenza tal-istrumenti ta’ kooperazzjoni tal-kollaborazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet, u li b’konformità mal-prinċipju tal-governanza f’ħafna livelli, ikomplu jtejbu l-kollaborazzjoni fil-livell Ewropew, reġjonali u lokali sabiex b’hekk jimplimentaw b’mod iktar effiċjenti l-għanijiet politiki tal-UE. L-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju hija fost affarijiet oħra opportunità għax toffri soluzzjonijiet transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali u hija strument adegwat għall-politika tal-integrazzjoni Ewropea.

3.

iqis li d-dimensjoni territorjali tal-Istrateġija ser tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan ta’ koeżjoni territorjali li t-Trattat ta’ Lisbona introduċa fost l-għanijiet tal-UE. Għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tniedi riflessjoni aktar fil-fond dwar ir-rwol u l-effett tal-makroreġjuni fil-politika reġjonali tal-UE wara l-2013 f’forma ta’ Green Paper. F’dan ir-rigward, ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni diġà ressaq din it-talba quddiem il-Kummissjoni Ewropea fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-programm leġislattiv u ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2010.

4.

ifakkar fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ssostni l-prinċipju tar-rifjut triplu – l-ebda regolament ġdid, l-ebda istituzzjoni ġdida u l-ebda fond ġdid – fir-rigward tal-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali; min-naħa tiegħu, itenni li dan il-prinċipju għandu wkoll ikun akkumpanjat minn tliet affermazzjonijiet: l-implimentazzjoni konġunta u l-monitoraġġ tar-regoli li jeżistu fil-makroreġjuni; il-ħolqien ta’ pjattaforma, netwerk jew raggruppament territorjali ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali u Stati Membri bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u taħt ir-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-UE; l-użu miftiehem tal-fondi eżistenti tal-Unjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali.

5.

jenfasizza li l-Istrateġija Ewropea għar-reġjun tad-Danubju hija perfettament kompatibbli mal-iżvilupp tal-Ewroreġjuni ffukati fuq il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni transkonfinali jew l-iżvilupp ta’ strutturi Ewropej fil-qafas ta’ proġetti transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali li legalment jiffurmaw ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT).

6.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni tenfasizza li din ix-xmara l-iktar internazzjonali fid-dinja hija estensivament spazju tal-Unjoni Ewropea (UE) u li jeżistu “opportunitajiet ġodda biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-potenzjal tiegħu [tar-reġjun], speċjalment biex jiġu rinfurzati l-effetti tiegħu”. L-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju hija t-tieni strateġija makroreġjonali li ppublikat il-Kummissjoni fi żmien sena u nofs. Dan jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li żdied ta’ kooperazzjoni effiċjenti fl-UE. L-istrateġija għall-makroreġjuni l-ġodda tad-Danubju hija eżempju ta’ dan.

7.

jenfasizza li fid-dawl tal-importanza partikolari tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea, li hija waħda mit-tliet pilastri tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea, il-makroreġjuni joffru spazju kostruttiv għal viżjoni magħquda, azzjoni mirata u opportunità li l-istrutturi ta’ koordinazzjoni u finanzjament fl-UE jintużaw b’mod effiċjenti fil-qafas tal-għanijiet UE-2020.

8.

jinnota li l-proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni huwa rekwiżit fundamentali sabiex tintlaqa’ l-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju u jirrifletti l-bżonn li kiber fost l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali li jidentifikaw mal-makroreġjun bħala spazju funzjonali magħqud, naturali, kulturali, soċjali u ekonomiku.

9.

jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-fatt li l-inklużjoni konsegwenti u kontinwa ta’ kull min hu interessat, tal-istituzzjonijiet kompetenti, in-netwerks interreġjonali, reġjonali u lokali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali tad-Danubju, il-korpi responsabbi mill-iżvilupp reġjonali tas-soċjetà ċivili, l-NGOs kif ukoll l-Istati Membri u dawk mhux Stati Membri fir-reġjun tad-Danubju ser tkun importanti ħafna anki fil-futur għall-implimentazzjoni u s-suċċess tal-għanijiet tal-Istrateġija.

10.

jenfasizza l-importanza, ir-rwol u r-responsabbiltà partikolari tar-reġjun tad-Danubju li huwa magħmul minn Stati Membri tal-UE, pajjiżi kandidati tal-UE, pajjiżi kandidati potenzjali u pajjiżi li jagħmlu parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat. Il-makroreġjun jikkonsisti b’kollox f’14-il Stat: il-Ġermanja (Baden-Württemberg u l-Bavarja), l-Awstrija, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovenja, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Bulgarija ġewwa l-UE kif ukoll il-Kroazja, is-Serbja, il-Bożnija u Ħerżegovina, il-Montenegro, l-Ukraina u r-Repubblika tal-Moldova barra mill-UE. Hija opportunità kbira li permezz tagħha tista’ titwitta t-triq li twassal għat-tkabbir, il-prosperità u s-sigurtà. L-Istrateġija tista’ tikkontribwixxi sabiex ir-reġjun tad-Danubju, hekk kif tgħid il-Komunikazzjoni jsir “wieħed mill-aktar attraenti fl-Ewropa”. Ir-reġjun jgħixu fih madwar 115-il miljun ruħ u jkopri għoxrin fil-mija tas-superfiċje tal-UE.

11.

jenfasizza li b’riżultat tal-inizjattiva ġie fformulat il-bżonn ta’ Strateġija komuni bejn l-Istati, l-pajjiżi u reġjuni u kiber il-fehim komuni li d-diversi kompiti u sfidi li jeżistu jistgħu jiġu indirizzati biss fl-għaqda. Il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minħabba li ħafna jidentifikaw ruħhom mar-reġjun tad-Danubju, l-Istrateġija ser isservi ta’ strument effettiv ħafna sabiex li jiżgura l-paċi dejjiema u dan ifisser stabbiltà u sigurta mhux għar-reġjuni tad-Danubju biss iżda għall-UE kollha.

12.

jinnota li l-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju tappoġġja l-promozzzjoni kontinwa tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-deċentralizzazzjoni u t-tisħiħ tal-awtonomija reġjonali u lokali fir-reġjun tad-Danubju b’mod partikolari tal-Istati li mhumiex membri tal-UE. Minn wara l-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid, ir-reġjun tad-Danubju sar pont bejn il-Lvant u l-Punent. L-Istrateġija tagħti kontribut sabiex jingħelbu l-fruntieri interni u esterni Ewropej u tippermetti lir-reġjun li jkompli jiżviluppa d-diversità u d-dinamika naturali, kulturali, soċjali, ekonomika u xjentifika tiegħu.

13.

iqis il-kooperazzjoni fil-livelli kkonċernati kollha - nazzjonali, reġjonali u lokali bħala fattur importanti ħafna sabiex ikunu jistgħu jiġu assigurati l-prinċipji tas-sussidjarjetà, il-prossimità maċ-ċittadini u s-sħubija u jiġbed l-attenzjoni għall-valur miżjud tal-kollaborazzjoni reġjonali u lokali fir-reġjun tad-Danubju sabiex il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali jersqu aktar lejn l-Unjoni Ewropea;

L-Istrateġija tal-UE u l-kontenut tagħha

Sfidi u kompiti tal-makroreġjun tad-Danubju

14.

jilqa’ l-istqarrija tal-Kummissjoni li d-Danubju “jista’ jiftaħ l-UE lill-ġirien viċin tiegħu, ir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, il-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-Asja Ċentrali.” L-Istrateġiji makroreġjonali huma eżempju ta’ kollaborazzjoni bejn ir-reġjuni ġirien fl-UE u anki bejn l-UE u l-pajjiżi terzi. Huma eżempju wkoll ta’ kif approċċi integrati u multisettorjali jistgħu jiġu abbinati ma’ governanza f’diversi livelli u jiġu implimentati b’mod prattiku.

15.

jaqbel mal-istqarrija tal-Kummissjoni li l-iżvilupp soċjoekonomiku, il-kompetittività, il-ġestjoni tal-ambjent u t-tkabbir effiċjenti fl-użu tar-riżorsi jistgħu jittejbu, kif ukoll li l-mobbiltà u s-sigurtà jistgħu jissaħħu iktar.

16.

jinnota li l-istruttura tal-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju nbniet fuq l-esperjenzi miksuba mill-Istrateġija għall-Baħar Baltiku. Sabiex l-Istrateġija tiġi implimentata b’mod konkret, ġie żviluppat pjan ta’ azzjoni bil-kooperazzjoni tal-atturi nazzjonali, reġjonali, lokali u partijiet interessati oħra li huwa maqsum f’erba’ partijiet bi ħdax-il qasam ta’ prijorità. Il-pjan ta’ azzjoni jikkonsisti f’124 eżempju ta’ proġetti individwali.

17.

jifraħ b’mod partikolari bil-fatt li l-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju tipproponi eżempji ta’ għanijiet konrekti li jistgħu jitkejlu u li għandhom iwasslu riżultati tanġibbli għaċ-ċittadini.

18.

iqis li l-istrateġiji makroreġjonali m’għandhomx jikkonċernaw il-politiki kollha iżda li l-ewwel għandhom jiffukaw fuq l-isfidi komuni għal makroreġjun li jkunu ġew identifikati b’mod konġunt fil-qafas ta’ approċċ ta’ sħubija. Għaldaqstant, jilqa’ l-enfasi tal-Komunikazzjoni fuq erba’ pilastri: il-konnessjonijiet tar-reġjun tad-Danubju (il-mobbiltà, l-enerġiji sostenibbli, il-promossjoni tat-turiżmu u l-kultura), il-ħarsien tal-ambjent (il-kwalità tal-ilmijiet, il-ġestjoni tar-riskji ambjentali, iż-żamma tad-diversità bijoloġika), il-bini tal-prosperità fir-reġjun tad-Danubju (żvilupp tas-soċjetà tal-għarfien permezz tar-riċerka, t-taħriġ u t-teknoloġiji tal-informazzjoni, l-appoġġ tal-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-iżvilupp ta’ raggruppamenti, investiment fil-kwalifiki) kif ukoll it-tisħiħ tar-reġjun tad-Danubju (it-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali, tal-kooperazzjoni, il-promozzjoni tas-sigurtà u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata).

19.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet jeħtieġ l-involviment deċiżiv tal-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Fejn ikun hemm bżonn, l-atturi lokali u reġjonali għandhom, permezz ta’ miżuri adatti, jitpoġġew f’qagħda aħjar li jibnu l-istrutturi ta’ implimentazzjoni tagħhom li jippermettulhom jilħqu l-għanijiet stabbiliti. Il-proċessi tal-bini tal-kapaċità u tal-gvernanza tajba huma elementi ċentrali tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju. Il-Kunsill tal-bliet u r-reġjuni tad-Danubju jista’ jkun imsieħeb attiv fl-iżvilupp ta’ proġetti komuni.

20.

iqis li l-pjan ta’ azzjoni b’mod ġenerali huwa dokument ta’ referenza importanti u jilqa’ l-istqarrija tal-Kummissjoi li huwa qafas indikattiv li jinbena fuq l-istadju ta’ żvilupp tal-proġetti u li jista’ jkompli jiġi żviluppat b’mod dinamiku.

21.

jinnota li rabtiet iktar b’saħħithom bejn in-netwerks li jeżistu, l-inizjattivi u l-organizzazzjonijiet bħall-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tax-Xmara Danubju, il-Kummissjoni tad-Danubju, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, il-Proċesss ta’ Kooperazzjoni tal-Kunsill tal-Bliet u r-Reġjuni tad-Danubju, l-ARGE Donauländer u l-Kummissjoni tat-Turiżmu fir-reġjun tad-Danubju, jistgħu jġibu magħhom valur miżjud.

Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ

22.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-parteċipazzjoni attiva tal-ġenerazzjoni żgħażugħa hija waħda mill-pilastri ewlenin li jiżguraw il-paċi u l-istabbiltà fl-Ewropa.

23.

jinnota li l-pjan ta’ azzjoni jagħti lok għal proġetti mal-/ u għaż-żgħażagħ. Madanakollu fil-fehma tal-Kummissjoni, ir-rwol u l-importanza tal-ġenerazzjoni żgħażugħa għandhom jingħataw iktar valur. Huwa importanti ħafna li ż-żgħażagħ Ewropej, permezz ta’ proċess kontinwu ta’ skambju u ta’ komunikazzjoni, jirċievu l-valuri Komunitarji u jiġu mħarrġa fil-proċess demokratiku, il-fehim, it-tolleranza u r-rispett lejn il-minoritajiet u lejn id-diversità kulturali u etnika tar-reġjuni tal-Ewropa. Jeħtieġ li ma jiġix sottovalutat il-valur (mhux materjali) tal-iskambji bejn l-iskejjel, tal-inkontri bejn iż-żgħazagħ, tal-workshops, in-netwerks u l-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni għaż-żgħażagħ.

24.

iħeġġeġ li huwa u jkompli jiġi żviluppat il-pjan ta’ azzjoni u anki fil-programmi ta’ mobbiltà li jeżistu, dan l-aspett jiġi kkunsidrat iktar. In-netwerk ta’ Novi Sad ““Young Citizen Danube Network” (YCDN) huwa eżempju ta’ kif jista’ jinbena sens ta’ identità tad-Danubju fost il-ġenerazzjoni taż-żgħażagħ u permezz ta’ hekk sens ta’ identità Ewropea. Jista’ jiġi kkunsidrat ukoll it-twaqqif ta’ netwerk taż-żgħażagħ tad-Danubju li jorganizza b’mod sostenibbli inkontri, skambju, taħriġ u kooperazzjoni bejn iż-żgħażagħ.

Trasport

25.

jifhem l-importanza tal-implementazzjoni tal-għanijiet fil-qasam tat-trasport, b’mod partikolari it-trasport tal-passaġġi tal-ilma interni u fil-qasam tal-infrastruttura tat-toroq, tal-ferroviji u tal-ajru u jaqbel mal-Kommussjoni li għandhom jitwettqu l-proġetti TEN-V u l-Kurituri tal-Ferroviji tal-Merkanzija skont ir-Regolament (UE) Nru 913/2010; il-progress tal-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju għandu jiġi enfasizzat b’mod partikolari minħabba l-importanza tal-konnessjoni ta’ dawn il-kurituri ma’ xulxin u mal-ambjent reġjonali kif ukoll l-importanza tal-modi tat-trasport differenti.

26.

jinnota li l-potenzjal tad-Danubju għandu jintuża aħjar. L-għanijiet ċentrali fi ħdan l-ewwel pilastru tal-Istrateġija dwar il-konnessjoni tar-reġjun tad-Danubju permezz ta’ mobbiltà mtejba huma: li jiżdied l-ammont ta’ merkanzija trasportata fuq id-Danubju, li jinbnew konnessjonijiet bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tar-reġjun u li jiġu żviluppati terminali effiċjenti, moderni, multimodali u interoperabbli fil-portijiet tax-xmara Danubju. Fl-istess waqt il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġi applikat approċċ integrat għall-ibbilanċjar tal-iżviluppi mas-sostenibbiltà tal-ambjent.

27.

jiġbed l-attenzjoni għall-Konvenzjoni ta’ Belgrad li tirregola n-navigazzjoni fid-Danubju;

L-ambjent

28.

jafferma l-importanza kbira tal-ħarsien tal-ambjent u b’mod partikolari tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-ilma skont id-Direttiva Qafas tal-Ilma tal-UE. Il-Kumitat tar-Reġjuni jaqbel mal-istqarrija li l-“amministrazzjoni sostenibbli tal-ilma hija meħtieġa […] ”. Il-Pjan ta’ Amministrazzjoni tal-Baċir tax-Xmara Danubju huwa referenza importanti għal dan. Għandha tingħata prijorità lill-miżuri mmirati lejn il-konservazzjoni tal-kapaċità naturali taż-żamma tal-għargħar tal-baċir tad-Danubju u maħsuba biex jostakolaw ir-rikorrenza tal-għargħar. Barra minn hekk, meta wieħed iqis li d-Danubju, li jinkludi bosta Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali u Żoni Speċjali għall-Konservazzjoni li jaqgħu taħt il-qafas tan-Natura 2000, u li d-Delta tad-Danubju, li ilha Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO sa mill-1991, għandhom ekosistema unika u fraġli li fiha speċijiet rari li huma mhedda minħabba t-tniġġis, it-telf tad-diversità bijoloġika u tal-ekosistemi għandu jieqaf u għandha titħares id-diversità tal-ispeċi u għandu jiġi żgurat li l-fondi tal-Unjoni jintefqu fi proġetti li huma konformi mal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar l-ambjent. Din l-ambizzjoni għandha tkun riflessa wkoll fl-għanijiet u l-programmi konkreti ta’ appoġġ tal-PAK (Politika Agrikola Komuni) u tas-sistemi nazzjonali ta’ għajnuna għall-biedja.

29.

jenfassizza li l-assigurazzjoni ta’ ilma ta’ kwalità tajba skont id-Direttiva Qafas tal-Ilma, it-tnaqqis tal-livelli ta’ nutrijenti fix-Xmara Danubju, it-tlestija u l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Amministrazzjoni tad-Delta sal-2013, l-implimentazzjoni tal-pjanijiet tal-ġestjoni tar-riskju għall-għargħar kbir tad-Danubju, it-tfassil ta’ pjanijiet ta’ amministrazzjoni effettivi għas-siti kollha ta’ Natura 2000, iż-żamma tal-popolazzjonijiet vijabbli tal-ispeċi tal-isturjun tad-Danubju u ta’ speċi ta’ ħut oħra u t-tnaqqis fl-erożjoni tal-ħamrija huma oqsma ċentrali. Fil-ħidma involuta, il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tax-Xmara Danubju, l-istrumenti eżistenti tal-Kummissjoni bħall-Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà, kif ukoll l-istrumenti tal-Politika Agrikola Komuni, jaqdu rwol importanti. Fil-qafas tal-Istrateġija, jeħtieġ li l-istrutturi, l-għarfien u l-istrumenti li jeżistu jsiru iktar effiċjenti b’mod partikolari fil-qasam tal-prevenzjoni tar-riskji bħall-għargħar u d-diżastri ekoloġiċi.

30.

jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni reġjonali msaħħa sabiex jitnaqqsu r-riskji u l-effetti potenzjali ta’ diżastri naturali, b’mod partikulari l-għargħar, in-nixfiet, in-nirien fil-foresti, il-maltempati, l-erożjoni, l-iffriżar u l-iskarsezza tal-ilma, kif ukoll inċidenti industrijali, permezz ta’ ġestjoni msaħħa tad-diżastri, inklużi l-prevenzjoni, l-istat ta’ preparazzjoni u r-rispons.

31.

jinnota li t-trasport u l-ħarsien tal-ambjent għall-iżviluppp sostenibbli tar-reġjun tad-Danubju għandhom jirrispettaw il-prinċipji fundamentali tad-dokument “Id-dikjarazzjoni konġunta dwar il-prinċipji gwida dwar l-iżvilupp tat-trasport tal-passaġġi tal-ilma interni u l-ħarsien tal-ambjent tal-baċir tad-Danubju” tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tax-Xmara Danubju u tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Baċir tax-Xmara Sava (ISRBC).

32.

jinsisti li huwa importanti li ssir promozzjoni ta’ turiżmu sostenibbli fir-reġjun u jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal marbut mal-fatt li hemm passaġġ għar-roti kważi tul ix-xmara kollha.

L-enerġija

33.

jinnota li fl-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju, l-investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija, il-promozzjoni tal-enerġija sostenibbli u l-koordinazzjoni mtejba tal-politika tal-enerġija jingħataw prijorità. Il-modernizzazzjoni tan-netwerks tal-enerġija u l-implementazzjoni tal-Programm Ewropew tal-Enerġija kif ukoll it-tisħiħ tan-netwerk TEN-E jistgħu jġibu titjib kbir fir-reġjun. Huwa importanti wkoll li sal-2020 jintlaħqu l-miri nazzjonali dwar il-klima u l-enerġija.

L-ekonomija

34.

jenfasizza l-importanza kbira tal-bini tal-prospertià fir-reġjun tad-Danubju, tat-tisħiħ tal-kompetittività tal-intrapriżi u l-iżvilupp tar-raggruppamenti, tat-tisħiħ tal-potenzjal ekonomiku, ir-rilanċ u t-tisħiħ tas-suq tax-xogħol u ż-żieda fl-opportuntajiet għall-gruppi żvantaġġati tal-popolazzjoni. Il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tar-reġjuni metropolitani bħala ċentri tal-produttività, l-innovazzjoni u l-iskambju.

35.

jenfasizza l-osservazzjoni mressqa mill-Kummissjoni dwar il-fatt li fil-makroreġjun tad-Danubju jgħixu “[t]erz tal-popolazzjoni tal-UE li qiegħda fir-riskju ta’ faqar, ħafna minn gruppi marġinalizzati. Il-komunitajiet ta’ Roma, li 80 % minnhom jgħixu fir-Reġjun, isofru speċjalment minn esklużjoni soċjali u ekonomika, segregazzjoni ta’ spazju u kondizzjonijiet ta’ għixien bi standards baxxi. Sforzi biex dawn jingħelbu għandhom effetti mal-UE kollha, imma l-kawżi jridu jiġu indirizzati l-ewwel nett fir-Reġjun.” Iqis li fuq il-bażi ta’ din l-osservazzjoni, għandha tingħata dimensjoni territorjali partikolari lill-inizjattiva ewlenija dwar il-“Pjattaforma Ewropa kontra l-faqar”.

36.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti tar-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet fit-twaqqif tal-kuntatti u s-segwitu tal-proġetti fil-livell tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-esperjenza tal-Istrateġija għall-Baħar Baltiku turi li s-settur privat għandu jiġi involut b’mod iktar sħiħ.

37.

jenfasizza li ż-żieda fil-prosperità u l-kompetittività għandhom jiġu abbinati mat-titjib u l-ħarsien sostenibbli tar-riżorsi naturali.

38.

jenfasizza l-bżonn li jinħolqu kundizzjonijiet qafas li jiffavorixxu l-intrapriżi sabiex tinħoloq ekonomija tas-suq kompetittiva u b’hekk jittejbu l-opportunitajiet ta’ żvilupp għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fir-reġjun tad-Danubju.

39.

jinnota li l-SMEs minħabba b’mod partikolari d-daqs limitat tas-swieq nazzjonali, huma fattur prinċipali għal reġjuni tad-Danubju prosperu. F’dan ir-rigward jeħtieġ li l-agrikoltura, l-artiġjanat, l-industrija u s-settur tas-servizzi jiġu kkunsidrati bl-istess mod. It-taħriġ professjonali adatt skont il-bżonn bħal pereżempju l-kwalifiki għall-ispeċjalisti kif ukoll ix-xjenza u r-riċerka huma elementi importanti għal kompetittività innovattiva tar-reġjun tad-Danubju. Sistema estensiva ta’ trasferiment teknoloġiku għandha tippermetti t-trasferiment fil-prattika tar-riżultati tar-riċerka.

40.

jenfasizza b’rabta ma’ dan li hemm bżonn li tiġi żviluppata b’mod adatt l-infrastruttura diġitali u li n-nies jiġu mħeġġa jużawha fir-reġjun sħiħ tad-Danubju sabiex titnaqqas tajjeb id-distanza teknika kultant kbira bejn l-Istati fejn jidħlu l-provvista u l-użu ta’ din l-infrastruttura.

L-edukazzjoni u r-riċerka

41.

jinnota li t-titjib tal-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u ta’ kwalifikazzjoni jagħmlu r-reġjun iktar atraenti bħala ċentru ekonomiku u xjentifiku. B’rabta mal-kwalifikazzjoni taż-żgħażagħ, pereżempju miżuri u offerti fil-qasam tat-taħriġ doppju jistgħu jagħtu kontribut.

42.

jenfasizza li għandhom jingħataw spinta l-appoġġ u l-promozzjoni tal-infrastruttura tar-riċerka u l-konnessjonijiet multilaterali bejn l-universitajiet fir-reġjun tad-Danubju. L-istituzzjonijiet li jinsabu f’netwerk bħall-Università ta’ Andrássy f’Budapest u l-Akkademja Ewropea tad-Danubju jaqdu rwol importanti f’dan ir-rigward għax l-attivitajiet ta’ riċerka u l-kontenut tal-istudju tagħhom huma bbażati fuq ir-reġjun tad-Danubju.

Il-kultura u s-soċjetà ċivili

43.

jenfasizza li d-diversità naturali unika, kulturali u etnika tar-reġjun tad-Danubju għandha tiġi appoġġjata permezz ta’ proġetti kulturali u għandha ssir aċċessibbli u trendi l-qligħ permezz ta’ kunċett sostenibbli tat-turiżmu.

44.

jenfasizza r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokal, il-gruppi u l-organizzazzjonijiet tagħhom kif ukoll tas-soċjetà ċivili biex dawn jappoġġjaw id-djalogu interkulturali. Ir-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet b’mod partikolari jinsabu f’qagħda li jabbinaw tajjeb l-esperjenza li kisbu f’popolazzjoni eteroġena fi djalogu bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet.

45.

b’rabta ma’ dan jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-importanza tas-soċjetà ċivili kif ukoll għas-sħubijiet bejn il-bliet u l-muniċipalitajiet. Dawn ma jikkontribwixxux biss għad-djalogu interkulturali u għall-eliminazzjoni tal-preġudizzji iżda jistgħu jipprovdu wkoll qafas għall-kooperazzjoni ekonomika u soċjali, jappoġġjaw l-iżvilupp sostenibbli u b’riżultat ta’ dan l-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-kooperazzjoni bejn l-oqsma kulturali u l-istituzzjonijiet fil-bliet u r-reġjuni tad-Danubju tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ netwerk b’potenzjal kbir ta’ kreattività.

46.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandhom jissaħħu l-ħolqien u ż-żamma tan-netwerks u l-istrutturi soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u t-tagħlim tul il-ħajja li jinfirex bejn il-ġenerazzjonijiet.

Il-gvernanza tajba u s-sigurtà

47.

jenfasizza l-prijorità kbira li għandhom l-għanijiet tal-qasam ta’ azzjoni “it-tisħiħ tar-reġjun tad-Danubju” b’mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-istat tad-dritt bħala prerekwiżiti għat-titjib tal-istrutturi u l-kapaċitajiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet fis-setturi privati u pubbliċi kif ukoll il-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni, il-kuntrabandu, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u serja kif ukoll is-swieq transfkonfinali illegali.

48.

jinnota li l-iskambju tal-esperjenza dwar prattiki amministrattivi tajba fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali, lokali u tal-bliet kif ukoll fl-oqsma differenti tas-servizzi pubbliċi huwa bażi importanti għall-bini ta’ gvernanza tajba li tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u amministrattivi.

L-Istrateġija tal-UE u l-implimentazzjoni tagħha

Koordinazzjoni

49.

jilqa’ l-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tfittex il-koordinazzjoni politika mal-Istati Membri. Bħall-Istrateġija għall-Baħar Baltiku, iżda fl-istess waqt tqis l-ispeċifiċitajiet tar-reġjun tad-Danubju, l-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju għandu jkollha grupp ta’ rappreżentanti mill-Istati Membri kollha li jappoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-pajjiżi li mhumiex membri għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħat. Il-Komunikazzjoni ma tindikax meta għandha tiġi evalwata d-direzzjoni politika u meta għandu jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni. Jeħtieġ li dawn l-aspetti jiġu kkonkretizzati.

50.

jilqa’ l-fatt li ser jinħatru koordinaturi nazzjonali u reġjonali iżda l-kompitu tagħhom ma ġiex deskritt bir-reqqa fil-Komunikazzjoni. L-iżvilupp tal-makroreġjuni għadu jibda, għalhekk il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ lill-koordinaturi tal-istrateġija sabiex jipparteċipaw ta’ spiss fi skambju tal-esperjenza u li joħolqu l-possibbiltà ta’ skambju tal-esperjenza bejn l-Istrateġija għall-Baħar Baltiku u l-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju. Il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ li abbażi tal-esperjenzi li nkisbu fil-qasam tal-Istrateġija għall-Baħar Baltiku, tiġi evalwata l-provvista ta’ għajnuna teknina li hemm bżonn għall-kompiti ta’ koordinazzjoni.

51.

b’rabta ma’ dan jistqarr li l-fora regolari għall-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll għal gruppi interessati oħra u għas-soċjetà ċivili huma strument adegwat sabiex jiġu evalwati l-proġetti, sabiex issir riflessjoni kritika dwar id-direzzjonijiet politiċi u sabiex tissaħħaħ l-istrateġija fost iċ-ċittadini.

52.

jissuġġerixxi li r-riżultati tal-istudju tan-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Ippjanar Spazjali (EPSON) jiġu kkunsidrati huma u jiġu koordinati l-għanijiet.

Rapporti

53.

iqis importanti li jiġu evalwati l-progressi li jsiru fl-impliementazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni. Ir-rapport annwali dwar il-programmi eżistenti u r-rapporti strateġiċi tal-Istati Membri huma bażi li għandha titħejja mill-koordinaturi. L-obbligu li jsiru r-rapporti dwar il-programmi tal-UE matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali għandu jiġi bbażat fuq id-data li teżisti.

Implimentazzjoni

54.

jistqarr li l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali jagħtu kontribut sabiex jirnexxu l-proġetti. In-nuqqas ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrutturi jwassal għal sfidi fl-implimentazzjoni amministrattiva tal-istrateġija. Il-Komunikazzjoni titlob proġetti konkreti “li jkunu ddettaljati u li jirrikjedu tmexxija tal-proġett, qafas ta’ żmien u finanzjament”. Il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ li wara sena ssir evalwazzjoni tal-istrateġija ta’ implimentazzjoni sabiex jiġu ottimizzati l-proċessi u t-teħid tad-deċiżjonijiet.

Finanzjament u mezzi ta’ appoġġ

55.

jinnota li l-Komunikazzjoni tressaq biss stqarrijiet ġenerali dwar il-finanzjament tal-Istrateġija għar-reġjun tad-Danubju u jieħu nota tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li ma jingħata l-ebda vantaġġ lill-makroreġjuni fil-pjan baġitarju jew ġuridiku. Matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, l-Istrateġija għandha tiġi implimentata permezz tal-mobilizzazzjoni u l-allinjament tal-fondi eżistenti u b’konformità mal-oqfsa ġenerali.

56.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-proċeduri ta’ selezzjoni tal-proġetti fir-rigward tal-istrateġiji makroreġjonali, joffru l-kundizzjonijiet adegwati li jiżguraw li s-sistemi ta’ finanzjament u l-mezzi attwali jistgħu jintużaw speċifikament għall-istrateġija.

57.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni sabiex il-programmi ta’ appoġġ bħal pereżempju fil-qasam tax-xogħol taż-żgħażagħ u l-provvista tal-ICT jkunu jistgħu jintużaw ukoll għall-istrateġiji makroreġjonali.

58.

iħeġġeġ li jiġi eżaminat sa liema punt il-miżuri ta’ taħriġ immirat jistgħu jkunu disponibbli għall-applikanti fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali b’mod partikolari mill-2014 ’il quddiem sabiex tissaħħaħ il-kapaċità li jintużaw il-mezzi u jiġi żgurat li l-mezzi u l-istrumenti ta’ appoġġ eżistenti jintużaw b’mod iktar intensiv.

59.

jinnota li sabiex jintlaħqu l-għanijiet jiddependi wkoll minn kemm l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali tar-reġjun tad-Danubju u l-istituzzjonijiet responsabbli mill-iżvilupp reġjonali jużaw il-programmi ambjentali li tippromovi l-Kummissjoni bħal pereżempju l-LIFE+ (ir-riġenerazzjoni tax-xmajjar u taż-żoni madwar ix-xmajjar) u l-Programm Enerġija Intelliġenti-Ewropa.

60.

jemmen li l-appoġġ tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, tal-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-promossjoni tal-proġetti transkonfinali u transnazzjonali jaqdi rwol importanti. Il-fondi strutturali u l-programmi rilevanti tal-politika ta’ koeżjoni huma strumenti importanti li għandhom jintużaw b’mod intelliġenti u effettiv għat-twettiq tal-proġetti.

61.

iħeġġeġ li jiġi eżaminat jekk b’riżultat tal-importanza partikolari ġeografika, storika u kulturali tar-reġjun tad-Danubju, il-kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk fil-qafas tal-Programm “Kooperazzjoni Territorjali Ewropa”, komponent B, tistax tiġi adattata għal dan. B’hekk il-politika ta’ koeżjoni tkun tista’ tqis il-makroreġjun il-ġdid tad-Danubju u tippermetti kooperazzjoni fi spazju uniku ta’ kooperazzjoni. Dan jippermetti li

a.

b’mod partikolari fl-oqsma ta’ politika strateġiċi, ikun hemm użu iktar effettiv tal-potenzjal tar-reġjun fil-qasam tal-infrastruttura, ir-rotot tal-ilma, l-enerġija, l-innovazzjoni, il-ħarsien tal-ambjent, il-protezzjoni mill-għargħar u l-ekonomija sostenibbli.

b.

jiġi sfruttat il-potenzjal komuni ekonomiku u xjentifiku b’mod immirat, sostenibbli u effiċjenti,

c.

jiġi żgurat it-trasferiment tal-innovazzjonijiet bejn ir-reġjuni tad-Danubju,

d.

jiżdiedu s-sinerġiji kemm fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll fil-livell intrasettorjali bejn l-oqsma differenti ta’ politika b’hekk jiżdiedu l-funzjonament u l-effikaċja tar-reġjun u tal-UE wkoll,

e.

r-reġjun tad-Danubju jkun jista’ jiġi kkunsidrat fid-dimensjoni sħiħa, naturali, kulturali u storika tiegħu bħala reġjun magħqud fl-Ewropa.

62.

b’rabta ma’ dan jinnota li spazju ta’ kooperazzjoni jista’ jkun ta’ ġid għall-iżvilupp dinamiku tar-reġjun tad-Danubju. L-istrumenti “Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni” u l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija huma mezzi flessibbli ta’ integrazzjoni tal-pajjiżi kandidati tal-UE, tal-pajjiżi kandidati potenzjali u tal-pajjiżi terzi fl-ispazju ta’ kooperazzjoni.

Brussell, 31 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/30


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet ta’ politika għas-sikurezza tat-triq 2011-2020”

2011/C 166/06

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jifraħ bl-orjentazzjonijiet ta’ politika ġodda tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tas-sikurezza tat-triq u jappoġġja s-seba’ għanijiet u l-miżuri assoċjati proposti; jitlob lill-Kummissjoni tispjega b’mod preċiż il-kontribut mistenni mill-miżuri differenti għat-twettiq tal-għan li jitnaqqas b’50 % in-numru ta’ mwiet fit-triq minn issa sal-2020;

jappoġġja l-idea tal-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet differenti tal-kunċett ta’ korriment gravi sabiex tkun tista’ tiġi mmonitorjata u sorveljata aħjar l-effikaċja tal-politika fil-qasam tas-sikurezza tat-triq; iqis li abbażi ta’ definizzjoni komuni tal-kunċetti ta’ korriment gravi u korriment inqas gravi, imbagħad għandu jiġi fformulat għan komuni għat-tnaqqis tal-għadd ta’ korrimenti gravi;

jappella lill-Istati Membri kollha sabiex jimplimentaw id-Direttiva dwar il-ġestjoni tas-sigurtà fl-infrastruttura tat-toroq u jaqbel mal-Kummissjoni li għandha tittieħed azzjoni sabiex jiġi żgurat li l-prinċipji tad-direttiva jiġu applikati għall-infrastruttura kollha tat-toroq li hija finanzjata mill-Unjoni Ewropea mingħajr ma jiġi injorat il-prinċipju tal-proporzjonalità sabiex il-proġetti ż-żgħar ma jiġux mgħobbija b’kumplikazzjonijiet amministrattivi bla bżonn jew eżiġenzi tekniċi eċċessivi;

jistieden lill-Kummissjoni tfassal, fil-qafas tal-kompetenzi tagħha, inizjattivi favur l-armonizzazzjoni tal-kodiċi tat-triq, tas-sinjali tat-triq u l-marki tat-toroq fl-Istati Membri. Il-KtR jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tniedi dibattitu pubbliku dwar is-suġġett ta’ din l-opinjoni billi tippubblika Green Paper.

Relatur

Is-Sur Johan SAUWENS (BE/PPE), Sindku ta’ Bilzen

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-sikurezza tat-triq 2011-2020

COM(2010) 389 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Daħla

1.

Fil-White Paper li jmiss dwar il-politika tat-trasport 2010-2020, il-Kummissjoni ser tagħti prijorità lis-sikurezza tat-triq. L-orjentazzjonijiet ta’ politika Ewropej għas-sikurezza tat-triq sal-2020 għandhom l-għan li jipproponu qafas ġenerali ta’ governanza u objettivi ambizzjużi li għandhom jiggwidaw l-istrateġiji nazzjonali u lokali.

2.

Fil-qafas tat-tħejjija ta’ din l-opinjoni ġiet organizzata konsultazzjoni mal-imsieħba fin-Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà. Din bdiet fil-25 ta’ Ottubru u ntemmet fl-10 ta’ Diċembru 2010.

Proposta għal pjan ta’ azzjoni u osservazzjonijiet preliminari

—   Is-sikurezza tat-triq u l-awtoritajiet lokali u reġjonali

3.

Is-sikurezza tat-triq hija kwistjoni importanti ħafna fis-soċjetà. Fl-Unjoni Ewropea kull sena jmutu 30 000 ruħ f’inċidenti tat-triq u l-istimi juru li jseħħu madwar 1 500 000 korriment. Apparti t-tbatija kbira kkawżata, dan huwa wkoll prezz għoli għas-soċjetà u jirrappreżenta madwar EUR 130 biljun.

4.

L-inċidenti tat-traffiku jseħħu l-iktar fuq in-netwerks urbani u r-rotot tal-kampanja, u 5 % biss minnhom iseħħu fuq l-awtostradi. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri r-responsabbiltà tal-ġestjoni tal-biċċa l-kbira tan-netwerk tat-trasport hija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dawn ħafna drabi għandhom ukoll ir-responsabbiltà li jimmonitorjaw, permezz tal-pulizija lokali jew reġjonali, l-applikazzjoni tal-kodiċi tat-triq. Barra minn hekk, ħafna drabi huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jorganizzaw it-trasport pubbliku, jirregolaw it-traffiku, jorganizzaw kampanji ta’ prevenzjoni u jiżguraw l-ewwel għajnuna f’każ ta’ inċidenti.

5.

Għalhekk ma hemmx għalfejn ngħidu li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti u jagħtu kontribut fl-inizjattivi li jittieħdu fil-livelli nazzjonali u Ewropej, iżda anki – jekk iqisu li jkun hemm lok – li dawn għandhom ifasslu strateġija għalihom infushom għas-sikurezza tat-triq li tiffoka fuq soluzzjonijiet għall-problemi fil-livell lokali u adatti għaċ-ċirkustanzi tiegħu.

6.

Il-Kummissjoni tagħraf ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tas-sikurezza tat-triq. Hija tindika li b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjonijiet deskritti għandhom ikunu implimentati fil-livell u bil-mod l-iktar xieraq. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tenfasizza tajjeb il-bżonn ta’ approċċ integrat: “Is-sikurezza tat-triq għandha rabtiet mill-qrib mal-politiki dwar l-enerġija, l-ambjent, l-impjieg, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, is-saħħa pubblika, ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija, il-ġustizzja, l-assigurazzjoni, il-kummerċ u l-affarijiet barranin fost l-oħrajn.”

—   L-għan tal-Kummissjoni Ewropea

7.

Iċ-ċifri li ressqet il-Kummissjoni jindikaw li fl-2001, l-għadd globali ta’ mwiet tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea kien ta’ 54 302. L-għan tal-pjan ta’ azzjoni preċedenti fil-qasam tas-sikurezza tat-triq kien li din iċ-ċifra tonqos b’50 %, billi l-għadd ta’ mwiet jiġi limitat għal 27 000 fl-2010. Fl-2009, fl-Unjoni Ewropea ġew irreġistrati 34 500 imwiet fit-triq, tnaqqis ta’ 36 %. Għas-sena 2010, il-Kummissjoni qed tistenna tnaqqis ta’ 41 % meta mqabbel maċ-ċifra tal-2001. Minkejja li l-għan inizjali ma ntlaħaqx, nistgħu madanakollu ngħidu li r-riżultat huwa wieħed inkoraġġanti.

8.

L-għan tal-Kummissjoni huwa li għall-perjodu 2010-2020 terġa’ tnaqqas bin-nofs l-għadd ta’ mwiet tat-traffiku fl-Unjoni Ewropea. Fid-dawl tat-tnaqqis li sar matul l-għaxar snin preċedenti u l-volontà li teżisti sabiex tittejjeb is-sikurezza tat-triq fl-UE, dan l-għan il-ġdid jista’ jitqies raġonevoli iżda ambizzjuż.

—   Objettivi strateġiċi

9.

Il-Kummissjoni ppreżentat seba’ għanijiet strateġiċi:

a)

it-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti tat-triq,

b)

titjib fil-monitoraġġ tal-applikazzjoni tar-regoli tat-traffiku,

c)

infrastruttura tat-toroq iktar sikura,

d)

vetturi iktar sikuri,

e)

il-promozzjoni tal-użu ta’ teknoloġija moderna biex tiżdied is-sikurezza tat-triq,

f)

it-titjib tas-servizzi tal-emerġenza u ta’ wara l-korrimenti,

g)

il-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli.

10.

Dawn l-għanijiet jistgħu jiġu appoġġjati bħala tali. Fil-formulazzjoni attwali tagħhom, l-orjentazzjonijiet politiċi proposti ma jidhrux li joħolqu problemi ta’ rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Fil-fatt l-Istati Membri ma jistgħux jilħqu l-għanijiet tal-miżuri proposti waħedhom. Fid-dawl tal-firxa wiesgħa tagħhom, l-azzjoni hija iktar adatta fil-livell tal-UE; regolamentazzjoni Ewropea speċifika, azzjonijiet transkonfinali u kooperazzjoni fil-livell Ewropew jistgħu jiżguraw il-koerenza u l-effikaċja tal-politika fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Barra minn hekk, il-miżuri proposti żgur li ser ikollhom valur miżjud meta mqabbla ma’ miżuri meħuda esklużivament mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali. Barra minn hekk l-approċċ propost huwa l-iktar wieħed faċli sabiex jinkisbu l-għanijiet filwaqt li jitħalla l-iktar spazju possibbli għal deċiżjoni fil-livell nazzjonali.

11.

Madanakollu, fid-dawl tal-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tas-sikurezza tat-triq, huwa mixtieq li l-Kummissjoni tikkwantifika l-kontribut partikolari mistenni minn kull wieħed mis-seba’ għanijiet fit-twettiq tal-għan globali li l-ammont ta’ mwiet jitnaqqas b’50 % għall-inqas matul l-għaxar snin li ġejjin. B’hekk ikun possibbli li jiġu kjarifikati sa ċertu punt liema sforzi, fil-każ ta’ bżonn, ikunu mistennija jagħmlu l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

—   L-implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet ta’ politika Ewropej għas-sikurezza tat-triq 2011-2020

12.

Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi żewġ prinċipji fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-orjentazzjonijiet ta’ politika tagħha:

it-titjib tal-impenn tal-partijiet kollha kkonċernati permezz ta’ governanza iktar b’saħħitha,

li jiġu stabbiliti għodod komuni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effiċjenza tal-politiki dwar is-sikurezza tat-triq.

13.

Ir-KtR jinnota li l-Kummissjoni tixtieq ittejjeb il-monitoraġġ permezz tal-ġbir u l-analiżi tad-data. Il-KtR jilqa’ dan l-approċċ. F’dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sistema attwali tal-ġbir tad-data (bażi ta’ data CARE) tiffoka esklużivament fuq id-data sħiħa fil-livell tal-Istati Membri. Id-dimensjoni reġjonali ma taqdi l-ebda rwol minkejja li din l-informazzjoni hija fil-prinċipju disponibbli faċilment fl-Istati Membri. Ikun partikolarment utli għar-reġjuni Ewropej li jkunu jistgħu jqabblu r-riżultati tar-reġjuni viċin jew komparabbli f’pajjiżi oħra, kif diġà jistgħu jagħmlu l-Istati Membri bejniethom. L-integrazzjoni ta’ din l-informazzjoni fil-bażi tad-data CARE tista’ ġġib magħha valur miżjud sinifikanti u tkun inċentiv pożittiv għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.

—   L-armonizzazzjoni tal-kodiċi tat-triq, tas-sinjali tat-triq, il-marki tat-toroq u d-direttivi dwar il-proġetti tal-infrastruttura

14.

Il-KtR jinnota li l-istandards tal-kodiċi tat-triq, tas-sinjali tat-triq, il-marki tat-toroq u d-direttivi dwar il-proġetti tal-infrastruttura fil-prattika jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor. Fl-istess waqt it-traffiku transkonfinali bejn il-pajjiżi membri jiżdied minn sena għal oħra u dan jgħodd kemm għat-trasport tal-merkanzija kif ukoll għat-trasport tan-nies għal finijiet ekonomiċi jew ta’ divertiment. Il-KtR iqis li l-armonizzazzjoni tal-prinċipji u r-regoli tal-bini u l-ekwipaġġ tar-rotot fl-Istati Membri differenti tippermetti ambjent tat-triq iktar ċar u familjari viżwalment għall-utenti kollha tar-rotot anki jekk dawn ġejjin minn Stat Membru ieħor u jkun għall-benefiċċju tagħhom kemm mil-lat ta’ sikurezza kif ukoll għall-moviment liberu fl-Unjoni. L-aqwa prattiki attwali għandhom iservu ta’ mudell u għandu jitħalla lok biżżejjed biex jiġu integrati fis-sitwazzjoni lokali u adattati għaliha.

Rakkomandazzjonijiet ta' politika

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

15.

jenfasizza l-importanza li għandha tingħata l-kwistjoni tas-sikurezza tat-triq u jappoġġja l-prinċipji li fuqhom il-Kummissjoni ser tibni l-orjentazzjonijiet politiċi tagħha għall-perjodu 2011–2020:

prijorità biex jintlaħqu l-ogħla standards ta’ sikurezza tat-triq fl-Ewropa kollha,

approċċ integrat għas-sikurezza tat-triq;

il-qsim tar-responsabbiltà b’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

16.

jinsab kuntent bir-riżultati pożittivi tal-pjan ta’ azzjoni preċedenti favur is-sikurezza tat-triq li tressqu matul l-evalwazzjoni ex post. Huwa jenfasizza madanakollu li l-ispiża umana tan-netwerk tar-rotot tagħna ta’ iktar minn 30 000 imwiet kull sena fl-Unjoni Ewropea hija eċċessivament għolja;

17.

jinnota li l-Kummissjoni tipproponi għal perjodu 2011 – 2020 tnaqqis ta’ 50 % fin-numru ta’ mwiet fit-triq. Il-KtR iqis li dan l-għan huwa raġonevoli iżda ambizzjuż fid-dawl tal-medja ta’ tnaqqis ta’ 36 % reġistrata fl-Istati Membri matul il-perjodu preċedenti (2001–2009);

18.

jifraħ bl-orjentazzjonijiet ta’ politika ġodda tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tas-sikurezza tat-triq u jappoġġja s-seba’ għanijiet u l-miżuri assoċjati proposti;

19.

jitlob lill-Kummissjoni tispjega b’mod preċiż il-kontribut mistenni mill-miżuri differenti għat-twettiq tal-għan li jitnaqqas b’50 % in-numru ta’ mwiet fit-triq minn issa sal-2020.

20.

jappoġġja l-idea tal-armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet differenti tal-kunċett ta’ korriment gravi sabiex tkun tista’ tiġi mmonitorjata u sorveljata aħjar l-effikaċja tal-politika fil-qasam tas-sikurezza tat-triq;

21.

iqis li abbażi ta’ definizzjoni komuni tal-kunċetti ta’ korriment gravi u korriment inqas gravi, imbagħad għandu jiġi fformulat għan komuni għat-tnaqqis tal-għadd ta’ korrimenti gravi simili għall-għan tat-tnaqqis tal-imwiet;

22.

jinsisti fuq il-bżonn li jintlaħaq ftehim dwar id-direttiva li tiffaċilita l-infurzar transkonfinali tal-leġislazzjoni fil-qasam tas-sikurezza fit-toroq. Il-multi u l-penali l-oħra li japplikaw meta jinkisru r-regoli tat-traffiku mhumiex konvinċenti biżżejjed jekk ma jkunux jistgħu jinġabru bejn il-fruntieri interni tal-UE. Barra minn hekk din is-sitwazzjoni hija sors ta’ trattament diskriminatorju fid-dawl tal-fatt li jekk ksur tal-liġi tat-traffiku jiġix penalizzat jew le jiddependi min-nazzjonalità ta’ min wettaq ir-reat;

23.

jappella wkoll lill-Istati Membri kollha sabiex jimplimentaw id-Direttiva dwar il-ġestjoni tas-sigurtà fl-infrastruttura tat-toroq u jaqbel mal-Kummissjoni li għandha tittieħed azzjoni sabiex jiġi żgurat li l-prinċipji tad-direttiva jiġu applikati għall-infrastruttura kollha tat-toroq li hija finanzjata mill-Unjoni Ewropea mingħajr ma jiġi injorat il-prinċipju tal-proporzjonalità sabiex il-proġetti ż-żgħar ma jiġux mgħobbija b’kumplikazzjonijiet amministrattivi bla bżonn jew eżiġenzi tekniċi eċċessivi;

24.

jikkunsidra li minn aspett iktar ġenerali u abbażi tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-governanza f’diversi livelli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom minn naħa jifformulaw il-politiki tagħhom fil-qasam tas-sikurezza tat-triq skont il-kompetenzi tagħhom u min-naħa l-oħra jipparteċipaw fil-mekkaniżmi tal-ġestjoni tal-inizjattivi f’dan il-qasam implimentati fil-livelli Ewropej jew nazzjonali;

25.

iqis li l-għan għandu jkun l-integrazzjoni tal-għanijiet definiti fl-orjentazzjonijiet politiċi għall-perjodu 2011–2020 fil-pjanijiet strateġiċi kollha fil-qasam tat-trasport u l-proġetti marbuta miegħu fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali;

26.

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-isforzi neċessarji sabiex itejbu l-ġbir u l-analiżi tad-data dwar l-inċidenti. Fehim aħjar tal-inċidenti tat-triq huwa kruċjali sabiex jittejjeb it-tfassil tal-politiki u tittejjeb l-evalwazzjoni tal-progress li sar l-iktar fil-livell lokali u reġjonali. Jeħtieġ li jiġi armonizzat il-ġbir u r-rapurtaġġ tad-data fl-Istati Membri hekk kif ġie rakkomandat fil-qafas tal-proġett ta’ riċerka tal-UE SafetyNet;

27.

jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkumplementaw is-sistema attwali tar-reġistrazzjoni tal-inċidenti b’informazzjoni dwar il-gravità tal-korriment tal-vittmi li hija disponibbli fis-servizzi ta’ emerġenza u tal-isptarijiet;

28.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex tpoġġi iktar data għad-disponibbiltà tal-livelli lokali u reġjonali permezz tal-bażi tad-data CARE sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jitgħallmu minn reġjuni barranin komparabbli;

29.

Fid-dawl tal-fatt li f’bosta pajjiżi, l-inċidenti tat-toroq huma l-kawża prinċipali tal-inċidenti tax-xogħol, jipproponi li fil-pjan ta’ azzjoni tagħha, il-Kummissjoni tistieden lil min iħaddem fis-settur pubbliku u privat sabiex jimplimenta politika li tiffavorixxi vjaġġar sikur bħala parti minn kultura ta’ sikurezza globali. Il-kwistjonijiet tas-sikurezza tat-triq għandhom jingħataw iktar attenzjoni fil-pjani ta’ mobbiltà li jeżistu jew futuri tal-impjegaturi pubbliċi u privati;

30.

jenfasizza kemm huwa importanti li l-edukazzjoni fil-qasam tas-sikurezza tat-toroq tiġi integrata fil-programmi tat-tagħlim obbligatorju u matul il-perjodu kollu tal-iskola obbligatorja fl-Istati Membri kollha;

31.

jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex tkompli tagħti attenzjoni permezz tal-programmi qafas ta’ riċerka lir-riċerka xjentifika fil-qasam tas-sikurezza tat-triq fil-livell Ewropew u b’mod partikolari lil dawn it-temi:

il-benefiċċji pożittivi potenzjali tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż tal-inċidenti għas-sikurezza tat-triq,

il-monitoraġġ tal-impatt tal-miżuri li ttieħdu fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-infrastruttura, tat-teknoloġija tal-vetturi u tal-ġestjoni tat-traffiku,

l-iskala tan-nuqqas ta’ reġistrazzjoni tal-inċidenti tat-traffiku u l-istrateġija għat-titjib ta’ dan,

l-istudju tal-fatturi li jispjegaw il-gravità tal-korrimenti matul ċerti inċidenti;

32.

jistieden lill-Kummissjoni tfassal, fil-qafas tal-kompetenzi tagħha, inizjattivi favur l-armonizzazzjoni tal-kodiċi tat-triq, tas-sinjali tat-triq u l-marki tat-toroq fl-Istati Membri. Il-KtR jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tniedi dibattitu pubbliku dwar is-suġġett ta’ din l-opinjoni billi tippubblika Green Paper;

33.

jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex toħloq, permezz tal-programmi ta’ riċerka eżistenti jew futuri, inizjattivi għat-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet u ta’ kodiċi ta’ prattika tajba għall-bini u l-ekwipaġġ ta’ infrastrutturi tat-triq fundamentalment sikuri li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib u l-armonizzazzjoni tal-prattiki fil-qasam tad-disinn tal-infrastrutturi tat-triq fl-Istati Membri differenti. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw il-ħolqien ta’ roundabouts, ta’ rotot għall-aċċess urban, rotot sekondarji barra mill-agglomerazzjonijiet, rotot għar-roti u rotot għall-persuni mexjin fit-triq;

34.

jitlob lill-Kummissjoni sabiex fl-operat intern tagħha tuża struttura adegwata għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni fis-sikurezza tat-triq. F’dan il-kuntest ikun utli li tinħoloq aġenzija għas-sikurezza tat-triq jew li jiġu rinforzati strutturi eżistenti bħall-Osservatorju Ewropew għas-Sikurezza tat-Triq;

Impenn

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

35.

jiġbed l-attenzjoni għall-Karta Ewropea għas-Sigurtà fit-Triq ippublikata mill-Kummissjoni (www.erscharter.eu) u jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej biex jiffirmaw il-Karta fuq bażi individwali u biex jidħlu għal impenji prattiċi bil-għan li jtejbu s-sigurtà fit-toroq taż-żona tagħhom.

Brussell, 31 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/35


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni”

2011/C 166/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jifraħ li l-politika ta’ koeżjoni tal-ġejjieni tista’ tkopri r-reġjuni Ewropej kollha, ikun xi jkun il-livell ta’ żvilupp tagħhom, u jappoġġja l-ħolqien ta’ kategorija intermedja ġdida ta’ reġjuni, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn ir-reġjuni;

jixtieq li jkunu jistgħu jitqiesu kriterji li jikkumplementaw il-PDG għall-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, sabiex jiġi rifless aħjar il-livell ta’ żvilupp ta’ kull reġjun;

itenni xewqtu li l-FSE għandu jibqa’ integrat kif inhu fil-Fondi Strutturali fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni, u jqis li l-implimentazzjoni tiegħu għandha ssir fil-livell territorjali;

jixtieq li jissaħħaħ l-objettiv tal-kooperazzjoni territorjali, partikularment mil-lat finanzjarju, u jirrakkomanda li l-fondi allokati għall-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali jitqassmu fil-livell Komunitarju, u mhux f’dak nazzjonali;

jappoġġja l-prinċipju ġenerali tar-rabta bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, iżda jfakkar li din m’għandhiex tkun għas-servizz tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Programmi Nazzjonali ta’ riforma biss, billi hi għandha l-objettivi tagħha stess li huma mniżżlin fit-Trattat;

jixtieq li l-objettiv tal-koeżjoni territorjali jissarraf permezz tal-identifikazzjoni ta’ linja territorjali prijoritarja fil-“menu” tal-UE, li tikkomplementa s-suġġetti marbuta mal-Istrateġija Ewropa 2020;

jappoġġja t-tfassil ta’ Qafas Strateġiku Komuni, u jipproponi li l-“kuntratti ta’ sħubija fl-iżvilupp u l-investiment” jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali f’kull Stat Membru, b’konformità mal-prinċipji ta’ governanza f’diversi livelli;

jopponi d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kundizzjonalità makroekonomika hekk imsejħa esterna, kif ukoll il-proposta li tiġi stabbilita riserva ta’ prestazzjoni; jaċċetta l-bżonn li jiġu stabbiliti forom ġodda ta’ kundizzjonalitajiet finanzjarji li jkunu marbuta mar-riżultati, sakemm il-kriterji magħżula jkunu ġenerali, ġusti, proporzjonati u bbażati bbażati fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Relatur

is-Sur Michel DELEBARRE (FR/PSE), Sindku ta’ Dunkirk

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment – Konklużjonijiet tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: il-futur tal-politika ta’ koeżjoni

COM(2010) 642 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li jsawwar bażi tajba għad-diskussjoni dwar il-linji gwida rigward il-politika ta’ koeżjoni wara l-2013;

2.

jirrikonoxxi l-analiżi importanti li wettqet il-Kummissjoni Ewropea f’dan l-ewwel rapport dwar il-koeżjoni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, speċjalment fir-rigward tar-rikonoxximent tal-koeżjoni territorjali fost l-objettivi prinċipali tal-Unjoni. Madankollu, jiddispjaċih li r-rapport huwa bbażat l-aktar fuq l-istatistika ta’ qabel il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali li l-Unjoni Ewropea ilha għaddejja minnha sa mill-2008; għalhekk jitlob li l-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss ikun ibbażat fuq l-istatistika li tinħareġ wara l-kriżi u jitlob lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jagħmlu kull sforz possibbli fil-livelli politiċi u amministrattivi biex jiksbu dan il-għan. Barra minn hekk dan il-fatt isaħħaħ il-bżonn li jintużaw indikaturi komplementari oħra aktar aġġornati sabiex jiġi determinat l-istat reali tal-iżvilupp tar-reġjuni, peress li t-tkabbir tal-PDG waħdu mhux ser jirrifletti l-impatt effettiv tal-kriżi. Il-Kumitat tar-Reġjuni diġà ta l-fehma tiegħu f’dan ir-rigward fl-Opinjoni “Inkejlu l-progress lil hinn mill-PDG”. Fl-Opinjoni jiġu proposti żewġ indikaturi globali disponibbli fuq perjodu qasir, bħall-indiċi ambjentali globali u l-istħarriġ soċjali armonizzat fil-livell reġjonali;

3.

jifraħ bl-avvanzi fil-politika ta’ koeżjoni li ppermettiet li jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, li jiżdied il-kapital uman, li tiġi ffaċilitata l-kostruzzjoni tal-infrastrutturi prinċipali fit-territorji, u li jittejjeb il-ħarsien tal-ambjent. Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni hija wkoll rikonoxxuta bħala investiment effettiv għall-kompetittività u l-innovazzjoni l-iktar fil-kapaċità tagħha li timmobilizza l-potenzjal tas-settur privat;

4.

jinnota li, minkejja l-progress li sar bil-politika ta’ koeżjoni fir-rigward tat-tnaqqis tad-diverġenzi, għadhom jeżistu żbilanċi kbar bejn ir-reġjuni Ewropej u fi ħdanhom, li jikkonċernaw l-aktar id-diverġenzi fl-iżvilupp tal-infrastruttura, fid-dħul finanzjarju, fil-kwalità tas-servizzi pubbliċi u fl-aċċess għal dawn is-servizzi. Dawn l-iżbilanċi jiġu enfasizzati b’mod partikolari bl-impatt divrenzjat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, u tal-isfidi li dejjem qed jikbru, jiġifieri l-globalizzazzjoni, il-qgħad (speċjalment fost iż-żgħażagħ), it-tixjiħ demografiku, it-tibdil fil-klima, u d-dipendenza enerġetika;

5.

għalhekk jinsisti li l-politika ta’ koeżjoni għandu jkollha riżorsi li jkunu kapaċi jindirizzaw l-objettivi mixtieqa, li jsaħħu l-azzjonijiet fil-livell tal-Istati Membri, fil-livell lokali u dak reġjonali, bil-għan li jerġa’ jissawwar bilanċ ekonomiku, soċjali u territorjali ġenwin bejn ir-reġjuni Ewropej;

6.

ifakkar li l-valur miżjud Komunitarju tal-politika ta’ koeżjoni jissejjes l-ewwel u qabel kollox fuq l-approċċ tiegħu, li hu:

solidali, permezz tal-appoġġ għal żvilupp bilanċjat fil-livell tal-Unjoni;

strateġiku, permezz tal-identifikazzjoni tal-objettivi prinċipali u adatti għall-bżonnijiet tat-territorju u taċ-ċittadini tiegħu;

integrat b’sinerġija akbar bejn il-politiki settorjali f’territorju individwali;

trasversali, permezz ta’ politiki differenti li jkollhom impatt fuq it-territorju;

territorjali, fuq il-bażi ta’ dijanjożi territorjali li tenfasizza l-aspetti dgħajfa u dawk b’saħħithom ta’ kull reġjun;

multiannwali, permezz tad-definizzjoni tal-objettivi għal perijodu ta’ żmien qasir, medju u twil;

ibbażat fuq is-sħubija, għaliex jinkludi l-livell Komunitarju, nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll lill-atturi soċjoekonomiċi tat-territorju fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi;

7.

ifakkar li, bis-saħħa ta’ dan l-approċċ uniku, il-politika ta’ koeżjoni tippermetti, aktar minn kwalunkwe politika oħra tal-Unjoni Ewropea, li l-integrazzjoni Ewropea toħroġ fid-dieher fil-livell tat-territorji u taċ-ċittadini billi tipprovdi reazzjoni adatta u kkoordinata għall-ħtiġijiet tagħhom;

Lejn arkitettura ġdida tal-politika ta’ koeżjoni

Politika ta’ koeżjoni għar-reġjuni kollha, adatta għal-livell ta’ żvilupp tagħhom

8.

jifraħ li l-ħames rapport dwar il-koeżjoni jikkonferma li l-politika ta’ koeżjoni tal-ġejjieni tista’ tkopri r-reġjuni Ewropej kollha, ikun xi jkun il-livell ta’ żvilupp tagħhom. F’dan ir-rigward, jenfasizza li l-Fondi Strutturali għandhom ikunu ffokati l-ewwel nett fuq ir-reġjuni Ewropej l-inqas żviluppati, filwaqt li jagħtu l-appoġġ indispensabbli lir-reġjuni l-oħra bil-għan li jinkoraġġixxuhom isaħħu l-kompetittività, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, sabiex jiġi promoss żvilupp armonjuż fl-UE kollha;

9.

huwa tal-fehma li għandu jiġi previst il-ħolqien ta’ kategorija intermedja ġdida ta’ reġjuni li jinsabu bejn 75 % u 90 % tal-PDG Komunitarju. L-għan ta’ din is-sistema hu li jiġi limitat l-effett tal-konformità mal-limitu ta’ 75 % tal-PDG Komunitarju (il-limitu attwali tal-eliġibbiltà bejn l-objettivi tal-konverġenza u l-kompetittività) u li tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament tar-reġjuni. Għandhom jiġu kkunsidrati kemm id-diffikultajiet tar-reġjuni li, mill-2013 ’l hemm, għall-ewwel darba mhux ser jaqgħu taħt l-objettiv ta’ konverġenza, kif ukoll dawk li, għad li huma eliġibbli għall-objettiv tal-kompetittività fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet soċjoekonomiċi strutturali fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u li jkollhom problemi bid-disparitajiet reġjonali interni. Il-ħolqien ta’ din il-kategorija m’għandux jippenalizza lir-reġjuni li qed jirċievu fondi taħt l-objettiv tal-konverġenza, l-objettiv tal-kompetittività jew fl-introduzzjoni/tneħħija gradwali;

10.

itenni xewqtu li jitqiesu kriterji li jikkumplementaw il-PDG, l-iktar għall-implimentazzjoni u l-valutazzjon tal-programmi sabiex jiġi rifless aħjar il-livell ta’ żvilupp ta’ kull reġjun u l-problemi speċifiċi relatati mal-koeżjoni soċjali u territorjali li jinqalgħu (differenzi sottoreġjonali, differenzi fid-dħul, rati tal-qgħad, aċċessibbiltà għas-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ), aċċessibbiltà u interoperabbiltà tal-mezzi tat-trasport, kwalità tal-ambjent, benesseri soċjali, livell ta’ edukazzjoni, eċċ.). Ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-perjodu ta’ programmazzjoni (5+5) għandha tkun il-mument adatt biex jitqiesu dawn il-kriterji l-ġodda li jikkumplementaw il-PDG. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tfassal lista ta’ indikaturi għall-iżvilupp territorjali, soċjali u ambjentali applikabbli fil-livell sottoreġjonali fuq il-bażi tal-ħidma tal-EUROSTAT, tal-ESPON (1) u l-OECD;

It-tisħiħ ta’ approċċ integrat

11.

jappoġġja l-approċċ integrat tal-politika tal-koeżjoni, sabiex il-fondi kollha (il-Fond ta’ Koeżjoni, il-FEŻR, l-FSE, il-FAEŻR u l-FES) ikunu komplementari u sabiex l-implimentazzjoni tagħhom tiġi ffaċilitata permezz ta’ approċċ integrat. Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu identifikati b’mod ċar l-oqsma ta’ intervenzjoni għal kull fond kif ukoll ir-relazzjoni tagħhom mal-interventi li jkunu twettqu mill-fondi l-oħra tal-UE, pereżempju dawk destinati għat-trasport jew għall-ambjent, kemm fil-livell strateġiku kif ukoll fil-livell operattiv. Barra minn hekk, għandhom jiġu definiti linji ta’ gwida ċari fil-livell Ewropew u għandhom jiġu stabbiliti strutturi ta’ koordinazzjoni fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali;

12.

jixtieq xi kjarifiki dwar id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew, u jqis li l-FSE għandu jibqa’ integrat kif inhu llum fil-Fondi Strutturali fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni u jemmen li kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-FSE u l-FEŻR tkun aktar adatta. F’dan ir-rigward, il-Kumitat iħeġġeġ li jintużaw iktar transfinanzjamenti u li jiġu implimentati programmi operattivi b’diversi fondi (FEŻR u FSE);

13.

jemmen li sabiex il-FSE jikkontribwixxi biex jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi, l-implimentazzjoni tiegħu għandha ssir fil-livell territorjali u għandha tkun parti bis-sħiħ mill-qafas tal-politika ta’ koeżjoni fuq il-bażi tal-ħtiġijiet li jkun hemm fil-livell lokali u reġjonali (2). Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Presidenza Belġjana wara l-laqgħa informali (3) tal-Ministri responsabbli għall-politika ta’ koeżjoni li rrakkomandaw li “tissaħħaħ id-dimensjoni reġjonali tal-FSE, u b’hekk tissaħħaħ il-viżibbiltà tiegħu” u, b’dan, l-integrazzjoni tiegħu fl-istrateġiji soċjoekonomiċi reġjonali;

14.

jixtieq li l-viżibbiltà tal-proġetti ffinanzjati mill-FSE titjieb permezz ta’ implimentazzjoni aktar reġjonalizzata, abbażi tal-ħtiġijiet lokali l-aktar konkreti u prattiċi, b’mod li jsiru aktar viżibbli waqt li jikkomplementaw il-ħidma mwettqa fil-qasam tal-komunikazzjoni u tas-sensibilizzazzjoni u ffinanzjati fil-qafas tal-għajnuna teknika fil-livell Komunitarju, nazzjonali u reġjonali;

15.

huwa tal-fehma li t-tqassim tal-FEŻR/FSE għandu jkun iddeterminat minn persentaġġ stabbilit fil-livell nazzjonali, sabiex jiġu żgurati allokazzjonijiet tal-FSE adatti għall-isfidi tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Istati Membri u fir-reġjuni kkonċernati. Il-Kumitat tar-Reġjuni jissuġġerixxi li l-Istati Membri jqassmu l-Fondi Strutturali (FEŻR u FSE) fil-livell nazzjonali, fil-marġni stabbiliti diġà, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

16.

jemmen li fil-futur il-flessibbiltà bejn il-FEŻR u l-FSE għandha tkun inkoraġġuta u semplifikata, l-iktar permezz tal-Qafas Strateġiku Komuni u b’mod partikolari fil-kuntest tal-approċċi għall-iżvilupp lokali u tal-pjani urbani integrati (4) tal-bliet u l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-proposti leġislattivi li jsiru fil-futur tipprevedi sistema simili bejn il-FEŻR u l-FAEŻR, bil-għan li jiġi garantit approċċ aktar integrat fil-livell taż-żoni rurali;

Kooperazzjoni territorjali msaħħa

17.

jappoġġja r-referenza għall-kooperazzjoni territorjali li ser iżżomm l-istruttura attwali tagħha bi tliet partijiet, però jiddispjaċih li mhix aktar dettaljata. F’dan ir-rigward jixtieq li dan l-objettiv jissaħħaħ billi:

jiżdied il-baġit tiegħu;

ikun hemm regoli speċifiċi aktar adatti għall-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali billi tikber l-għajnuna teknika fil-livell lokali, jiġu semplifikati r-regoli tal-verifika u tal-kontroll, jiġu standardizzati u adatti l-ispejjeż indiretti applikabbli, jiġu definiti r-regoli tal-eliġibbiltà tan-nefqiet Komunitarji, eċċ.;

isiru proposti bil-għan li tittejjeb il-governanza ta’ dawn il-programmi;

18.

jirrakkomanda li l-fondi allokati għall-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali jitqassmu fil-livell Komunitarju, u mhux f’dak nazzjonali. Il-benefiċjarji ta’ dawn il-programmi għandhom jiġġustifikaw b’mod iktar ċar ir-riżultati u l-valur miżjud ġenerat mill-proġetti tal-kooperazzjoni territorjali fir-reġjuni mit-trasferiment tal-prattiki tajbin u l-għarfien. Il-Kumitat jixtieq li tingħata preferenza lil approċċ strateġiku u integrat fil-livell taż-żoni ta’ kooperazzjoni, filwaqt li tiġi evitata kull kunsiderazzjoni nazzjonali f’termini ta’ ritorn finanzjarju;

19.

jitlob lill-Kummissjoni biex fil-proposti leġislattivi futuri tagħha tipprevedi dispożizzjonijiet li jippermettu lill-FSE jintervjeni fil-qafas tal-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali bil-għan li jiġu ffinanzjati azzjonijiet rilevanti fl-oqsma ta’ intervenzjoni tiegħu;

20.

jappella biex it-tliet objettivi tal-politika ta’ koeżjoni jkunu verament komplementari. L-intervent tal-Unjoni fil-livell transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali għandu jikkumplementa l-intervent li jsir fil-livell tal-programmi reġjonali implimentati fil-qafas tal-objettivi tal-“konverġenza” u tal-“kompetittività reġjonali u l-impjieg”. L-identifikazzjoni tal-prijoritajiet jew il-miżuri ddedikati għall-kooperazzjoni territorjali fil-programmi reġjonali jistgħu jiġu inkoraġġuti, speċjalment sabiex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati l-proġetti strutturali fil-livell transkonfinali jew transnazzjonali. B’mod parallel, għandha tittejjeb il-koordinazzjoni bejn it-tliet partijiet tal-objettiv tal-“kooperazzjoni territorjali”;

21.

jenfasizza l-ħtieġa li l-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali jintrabtu aħjar mal-istrateġiji territorjali mfasslin fuq il-bażi ta’ xewqa komuni tal-atturi territorjali (5). F’dan ir-rigward jemmen li l-programmi transnazzjonali jistgħu jappoġġjaw l-istrateġiji makroreġjonali kif ukoll l-istrateġiji marittimi integrati li qed jibdew jitħejjew. Bl-istess mod, il-programmi transkonfinali jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-istrateġiji Ewroreġjonali u Ewrometropolitani li qed jiġu implimentati bħalissa. Il-Kumitat għalhekk jitlob li ssir reviżjoni konsiderevoli taż-żieda fil-limitu tad-distanza ta’ 150 km użat għall-klassifikazzjoni tal-gżejjer u r-reġjuni lil jmissu mal-fruntieri;

22.

jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tiffaċilita sħubijiet territorjali ġodda billi tissemplifika u ttejjeb il-mod li bih jiġu amministrati l-programmi tal-kooperazzjoni interreġjonali. Kooperazzjoni interreġjonali mtejba tiżgura mhux biss approċċ koordinat għall-problemi komuni, iżda tagħraf ukoll li s-soluzzjonijiet innovattivi mhumiex ristretti biss għall-fruntieri territorjali eżistenti;

23.

ifakkar li r-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT)  (6) għadu biċċa għodda prezzjuża biex jiffaċilita l-kooperazzjoni, speċjalment fil-kuntest tal-kooperazzjoni transkonfinali. Jemmen li fil-programmazzjoni futura r-regolament dwar ir-REKT għandu jiġi semplifikat u adatt skont l-esperjenzi li jinkisbu matul il-perijodu attwali. Dawn is-semplifikazzjonijiet jistgħu jikkonċernaw, fost affarijiet oħra, l-arranġamenti li japplikaw għall-persunal u s-sistema fiskali tar-REKT, u t-tnaqqis tat-tul tal-proċeduri attwali. Barra minn hekk, jinkoraġġixxi li s-sussidji globali għar-REKT jingħataw b’mod aktar sistematiku sabiex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw direttament il-Fondi Strutturali;

24.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea ttejjeb il-kooperazzjoni attwali fil-fruntieri esterni. B’mod partikolari huwa neċessarju li l-proċeduri jiġu ssemplifikati u li jiġu stabbiliti aktar sinerġiji bejn l-għajnuna mogħtija mill-FEŻR u dik mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);

25.

jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni territorjali għar-reġjuni l-iktar imbiegħda; il-pożizzjoni ġeografika fil-fruntieri esterni l-iktar imbiegħda tfisser li din il-kwistjoni hija kruċjali. Jappella għall-implimentazzjoni tal-“Pjan ta’ Azzjoni għall-Viċinat Usa’” sabiex dawn ir-reġjuni jiddaħħlu iktar fl-ambjent ġeografiku;

Prijoritajiet strateġiċi adatti għall-ispeċifiċitajiet reġjonali

Lejn rabtiet aktar flessibbli mal-Ewropa 2020

26.

jenfasizza li, flimkien mal-azzjonijiet l-oħra ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, il-politika ta’ koeżjoni tista’ u għandha tkompli taqdi rwol deċiżiv biex, fl-istess ħin, tippermetti tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv kif inhu previst fl-Istrateġija Ewropa 2020, u tappoġġja l-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni billi ttejjeb il-potenzjal endoġeniku tar-reġjuni kollha u tnaqqas id-diverġenzi bejn it-territorji Ewropej kif inhu previst fl-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

27.

jappoġġja l-prinċipju ġenerali tar-rabta bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin tagħha sabiex isir progress fit-triq tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Madankollu, jaħseb li matul il-perijodu 2007-2013 diġà saru sforzi kbar f’dan il-qasam, u dawn għandhom jiġu evalwati qabel jiġu ddedikati aktar riżorsi;

28.

f’dan ir-rigward, ifakkar li l-politika ta’ koeżjoni m’għandhiex tkun għas-servizz tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Programmi Nazzjonali ta’ riforma biss, billi hi għandha l-objettivi tagħha stess li huma mniżżlin fit-Trattat, jiġifieri t-tnaqqis tad-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali bejn ir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-politika ta’ koeżjoni għandha tkun ibbażata fuq is-sitwazzjoni tat-territorji, il-ħtiġijiet tagħhom u l-potenzjal tagħhom li jiżviluppaw;

29.

jappoġġja l-prinċipju ġenerali ta’ “menù” Komunitarju ta’ prijoritajiet tematiċi vasti, li jieħu post il-loġika attwali tal-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali għall-kategoriji tan-nefqiet definiti b’mod restrittiv. Però jopponi r-restrizzjoni kbira wisq tan-numru ta’ dawn il-prijoritajiet li wieħed irid jagħżel minnhom fil-kuntest tal-Kuntratti l-ġodda għas-Sħubijiet għall-Iżvilupp u l-Investiment tal-programmi operattivi, sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom flessibbiltà suffiċjenti fl-implimentazzjoni territorjali tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

30.

jemmen li mhux il-kompitu tal-Kummissjoni Ewropea li tiddeċiedi li wħud minn dawn il-prijoritajiet ikunu obbligatorji; dawn għandhom jiġu definiti fil-livell reġjonali fuq il-bażi ta’ dijanjożi territorjali li tenfasizza l-aspetti dgħajfa u dawk b’saħħithom tat-territorju. Bl-istess mod, jemmen li mhux tajjeb li ammont kbir mill-Fondi Strutturali kollha jkollu jiġi allokat biss għal dawk il-prijoritajiet tematiċi li r-reġjuni ser ikollhom jagħżlu mill-menù Komunitarju. Din id-dispożizzjoni tmur kontra l-istess prinċipju tal-approċċ integrat, li jassumi li strateġija tal-iżvilupp għandha tkun ibbażata fuq l-investiment f’setturi differenti;

31.

għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni Ewropea li l-lista tal-prijoritajiet tematiċi li tista’ tinħareġ fir-regolamentazzjoni futura dwar il-politika ta’ koeżjoni ma tkunx restrittiva wisq, sabiex mhux biss titqies id-diversità territorjali, ekonomika u soċjali ta’ kull reġjun, iżda wkoll biex wieħed imur lil hinn mill-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 fl-oqsma tal-koeżjoni soċjali u territorjali;

Lejn kunsiderazzjoni ġenwina tal-objettiv tal-koeżjoni territorjali

32.

japprova l-prinċipju li jkun hemm iktar flessibbiltà fl-organizzazzjoni tal-programmi operattivi sabiex ikun jista’ jsir intervent f’livelli territorjali differenti (sottoreġjonali, reġjonali, multireġjonali u makroreġjonali) skont l-ispeċifiċitajiet territorjali jew taż-żoni funzjonali, bħall-baċiri tax-xmajjar, iż-żoni muntanjużi, l-arċipelagi, eċċ. Madankollu, l-interventi ta’ dan it-tip għandhom ikunu bbażati fuq ix-xewqa komuni tal-atturi territorjali u b’mod partikolari tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jissieħbu fi proġett verament reġjonali, mingħajr ma tiġi affettwata r-rilevanza fil-livell reġjonali;

33.

jitlob li l-objettiv tal-koeżjoni territorjali jissarraf fl-istruttura l-ġdida tal-politika ta’ koeżjoni, permezz tal-identifikazzjoni ta’ linja territorjali prijoritarja fil-“menu” tal-UE, li tikkomplementa s-suġġetti marbuta mal-Istrateġija Ewropa 2020 b’tali mod li l-koeżjoni territorjali tkun tista’ tiżgura żvilupp bilanċjat tar-reġjun biex titħeġġeġ l-interdipendenza bejn ir-reġjuni u l-koerenza globali tal-politiki. Barra minn hekk, jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tikkunsidra sew ir-reġjuni bi speċifiċitajiet territorjali  (7);

34.

jenfasizza li għandha tibqa’ tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni ultraperiferiċi fid-dawl tal-istatus speċifiku tagħhom rikonoxxut fl-Artikolu 349 tat-Trattat ta’ Lisbona. Ifakkar fil-ħtieġa li jiġu previsti dispożizzjonijiet finanzjarji għal dawn ir-reġjuni bil-għan li jiġu kkumpensati s-sensiela ta’ restrizzjonijiet li huma l-bogħod, l-insularità, is-superfiċje żgħira, il-pajsaġġ u l-klima diffiċli, kif ukoll id-dipendenza ekonomika minn numru żgħir ta’ prodotti. Dan il-kumpens jidher li huwa indispensabbli sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tar-reġjuni ultraperiferiċi għas-suq intern b’kundizzjonijiet bħal dawk ta’ reġjuni Ewropej oħra;

35.

japprova l-kunsiderazzjoni mtejba tad-dimensjoni urbana fil-politika ta’ koeżjoni, permezz ta’ involviment akbar tal-bliet u l-agglomerazzjonijiet fl-istadji kollha tal-politika tal-koeżjoni: programmi nazzjonali ta’ riforma, kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u l-investiment u l-programmi operattivi. F’dan ir-rigward, jixtieq li d-dimensjoni urbana titqies b’mod adatt fil-programmi operattivi, u jtenni x-xewqa tiegħu li tingħata preferenza lil approċċ ta’ żvilupp urban integrat. Fil-fatt, ifakkar li ż-żoni urbani ħafna drabi jkunu kkaratterizzati minn diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali kbar, li għandhom jingħataw risposti adatti. Dan l-approċċ ta’ żvilupp urban integrat għandu jkun ibbażat fuq il-ħidma li saret fil-qafas tal-Karta ta’ Leipzig bil-għan li tiġi ttestjata s-sistema l-ġdida ta’ referenza komuni għall-belt Ewropea sostenibbli. Il-bliet għandhom jitqiesu bħala ċentri ta’ tkabbir u żvilupp għar-reġjun tagħhom kollu kemm hu;

36.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li r-rappreżentanti lokali u/jew reġjonali eletti jingħataw rwol akbar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp urban fil-kuntest tal-programmi operattivi. Din is-sjieda u r-responsabbilizzazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tista’ ssir billi s-sussidji globali jiġu allokati b’mod aktar sistematiku lill-bliet, l-agglomerazzjonijiet u r-reġjuni kkonċernati. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa favur li tinżamm id-dimensjoni urbana fil-qafas tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni. Il-bliet jistgħu jkunu xpruni importanti għat-tkabbir u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn il-bliet u ż-żoni rurali jista’ jippromovi b’mod partikolari l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE u, fl-istess ħin, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Sabiex titwettaq din il-funzjoni, jeħtieġ li fil-futur jittieħdu wkoll miżuri għall-istabilizzazzjoni soċjali u ekonomika u għall-iżvilupp sostenibbli tal-bliet u taż-żoni urbani li għandhom il-problemi. Dawn il-miżuri għandhom jiġu ppjanati u implimentati fil-qafas tal-programmi operattivi reġjonali;

37.

jiddispjaċih li ma ssirx referenza għad-dimensjoni rurali, għalkemm it-territorji rurali u periurbani jsawru aktar minn 80 % tat-territorju tal-Unjoni skont id-definizzjonijiet li jeżistu. Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni partikolari lir-rabta bejn tipi differenti ta’ muniċipalitajiet – iż-żoni urbani (bliet kbar u żgħar) u ż-żoni rurali għaliex din hija element essenzjali f’politika integrata tal-iżvilupp reġjonali. Barra minn dan, jixtieq li d-dimensjoni rurali jkollha l-post tagħha fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni tal-ġejjieni, u li jkun hemm rabta aħjar u sinerġija akbar bejn l-interventi tal-FEŻR, tal-FSE u tal-FEAŻR kemm permezz tal-Qafas Strateġiku Komuni kif ukoll fil-livell tal-Programmi Operattivi. Jipproponi wkoll li l-programm attwali URBACT jiġi żviluppat f’programm bl-isem RURBACT (8) li jippermetti l-inkoraġġiment tal-prattiki tajba u l-istabbiliment ta’ netwerks rigward il-problemi urbani u rurali, u rigward ir-rabta li għandha tiġi stabbilita bejn dawn iż-żewġ dimensjonijiet;

38.

għalhekk jinkoraġġixxi l-identifikazzjoni ta’ prijorità territorjali fil-programmi operattivi li tippermetti l-finanzjament tal-proġetti li jagħmlu parti mill-miżuri territorjali sottoreġjonali. L-approċċ il-ġdid għall-iżvilupp lokali għandu jsir il-qafas strateġiku olistiku għall-iżvilupp sottoreġjonali taż-żoni kkonċernati kollha, irrispettivament minn jekk humiex urbani, rurali jew urbani-rurali u jrid jiġi integrat fil-programmi reġjonali;

39.

jiddispjaċih li l-ħames rapport dwar il-koeżjoni ma jenfasizzax biżżejjed it-tendenza li ċerti diverġenzi sottoreġjonali jkomplu jiggravaw. Dawn id-diverġenzi huma kkaratterizzati minn fenomeni, bħas-segregazzjoni tat-territorju, li joħolqu ċerti forom ta’ gettijiet u jwasslu għal deterjorament kontinwu f’ċerti żoni li għadhom lura. Il-fatt li dawn id-diverġenzi sottoreġjonali joħorġu fid-dieher b’mod ċar, permezz ta’ statistika adatta, u li jittieħdu l-miżuri bil-għan li jnaqqsuhom, jikkontribwixxi biex jiġi kkunsidrat aħjar l-objettiv tal-koeżjoni territorjali fil-livell lokali, bil-kundizzjoni li l-ġestjoni tkun fuq skala reġjonali;

40.

jappoġġja l-ħtieġa li tingħata attenzjoni akbar lill-inizjattivi tal-iżvilupp lokali, li għandhom jiġu inkoraġġuti permezz ta’ kofinanzjament Komunitarju aktar sistematiku. Fejn ikun applikabbli, parti minn programm operattiv għandha tiġi ddedikata għall-inizjattivi tal-iżvilupp lokali (pereżempju fi sħubija). Dan jista’ jkun sejħa għal proġetti reġjonali jew multireġjonali (9) bil-għan li kemm l-atturi pubbliċi (ir-rappreżentanti eletti tal-awtoritajiet lokali jew ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet pubbliċi, eċċ.) kif ukoll l-atturi privati (l-intrapriżi, il-kmamar tal-konsulenti, il-kooperattivi, l-intrapriżi soċjali, l-assoċjazzjonijiet, eċċ.) jiġu inkoraġġuti jfasslu u jimplimentaw strateġija ta’ żvilupp lokali bbażata fuq approċċ integrat (10). L-inizjattivi tal-iżvilupp lokali jistgħu jikkontribwixxu b’mod sostenibbli għall-iżvilupp istituzzjonali fil-livell tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-kundizzjoni li jiġu appoġġjati finanzjarjament, fost l-oħrajn permezz ta’ programmi ta’ għajnuna teknika;

41.

jaħseb li l-objettiv tal-koeżjoni territorjali japplika għall-politiki kollha tal-Unjoni u għandu jissejjes fuq il-koerenza bejn il-politiki settorjali u l-politika ta’ koeżjoni, kif ukoll fuq kunsiderazzjoni mtejba tal-impatt territorjali tal-politiki kollha tal-Unjoni meta jkunu qed jitfasslu. F’dan il-kuntest, jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea għadha ma indirizzatx it-talba tiegħu li tiġi ppreżentata White Paper dwar il-koeżjoni territorjali (11);

42.

jiddispjaċih li fil-ħames rapport dwar il-koeżjoni ma ssirx referenza għas-servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ), filwaqt li r-rabta intrinsika bejn il-missjonijiet tagħhom u l-koeżjoni territorjali hija rikonoxxuta b’mod espliċitu fl-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll 26 anness mat-Trattat ta’ Lisbona. Għalhekk, itenni t-talba tiegħu li jsiru evalwazzjonijiet ex-ante u ex-post tal-impatt territorjali tal-politiki tal-Unjoni fuq l-SIĠ;

L-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni

Approċċ strateġiku

43.

jappoġġja t-tfassil ta’ Qafas Strateġiku Komuni li jkopri l-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għas-Sajd. Madankollu, jixtieq li dan il-qafas strateġiku jiġi definit b’mod konġunt mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, fi sħubija mal-Kumitat tar-Reġjuni. Dan il-Qafas Strateġiku Komuni għandu jiċċara l-ambitu u, b’hekk, ir-rwoli u r-rabtiet bejn dawn il-fondi Komunitarji differenti kif ukoll ma’ fondi oħra tal-UE b’dimensjoni territorjali ċara u b’relazzjoni mill-qrib mal-Fondi Strutturali, bħall-fondi tan-Netwerks Trans-Ewropej jew il-fondi futuri potenzjali għall-ambjent u l-klima fost oħrajn;

44.

jemmen li l-istrateġiji makroreġjonali eżistenti jistgħu jservu ta’ “oqfsa ta’ referenza strateġika f’livell makroreġjonali”. L-istrateġiji reġjonali stabbiliti fil-kuntest tal-programmi operattivi (li jirriżultaw mit-tliet objettivi tal-politika ta’ koeżjoni) jistgħu jispiraw il-prijoritajiet għal dawn l-istrateġiji makroreġjonali;

45.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiċċara xi punti marbuta mal-kontenut u l-modalitajiet relatati mal-“kuntratti ta’ sħubija fl-iżvilupp u l-investiment” li ser jiġu nnegozjati bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri. Jenfasizza l-ħtieġa li l-prinċipji tas-sħubija u tal-governanza f’diversi livelli jitqiegħdu fil-prattika u b’hekk jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw fit-tfassil, in-negozjati u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kuntratti, billi huma direttament involuti fil-programmi operattivi previsti f’dawn il-kuntratti. Fil-fatt, huma għandhom jiġu involuti meta fil-livell tal-kuntratt nazzjonali jiġu definiti l-għażla ta’ prijoritajiet tematiċi u l-impenji finanzjarji li jridu jiġu applikati fil-programmi operattivi li jipparteċipaw fihom huma;

46.

jipproponi li l-“kuntratti ta’ sħubija fl-iżvilupp u l-investiment” kif ukoll il-“patti territorjali għall-implimentazzjoni tal-Istraġeija Ewropa 2020” jintroduċu, għal kull Stat Membru, sistema ta’ governanza f’diversi livelli li tinvolvi l-livelli differenti tat-territorju (Komunitarju, nazzjonali, reġjonali u lokali) fil-qafas ta’ sħubija msaħħa mal-awtoritajiet reġjonali u lokali. Jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali (bħala kofinanzjaturi u/jew koġestjonarji tas-servizzi pubbliċi) ikunu firmatarji ta’ dawn il-patti territorjali (12), u jipparteċipaw bis-sħiħ fit-tfassil, in-negozjati, l-implimentazzjoni u s-segwitu tagħhom. L-istess bħall-Qafas Strateġiku Komuni, dawn il-patti territorjali għandhom iħaddnu l-Fondi tal-Koeżjoni, il-FEŻER, l-FSE, il-FAEŻR u l-FES u jassiguraw il-koerenza mal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma billi jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tagħhom fit-territorju;

47.

jilqa’ l-applikazzjoni ta’ programmi operattivi, bħalma jsir għall-perijodu attwali, bħala għodda prinċipali għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. F’dan ir-rigward, ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw bis-sħiħ fit-tfassil, in-negozjati kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi;

48.

jappoġġja l-istabbiliment ta’ rapporti annwali dwar l-eżekuzzjoni li bis-saħħa tagħhom jingħata rendikont tat-twettiq tal-objettivi matul il-perijodu kollu tal-programmazzjoni, kif inhu l-każ bħalissa. Min-naħa l-oħra, ma jarax l-iskop li tiġi introdotta eżiġenza ġdida li ssir evalwazzjoni matul l-eżekuzzjoni tal-programmi hekk kif parti determinata tal-fondi tiġi ċċertifikata lill-Kummissjoni Ewropea;

49.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu organizzati dibattiti politiċi b’mod regolari fil-forums kompetenti differenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, huwa lest jgħin lill-Kummissjoni Ewropea torganizza dibattiti mal-membri tiegħu fl-okkażjoni tas-sessjonijiet plenarji jew il-laqgħat tal-Kummissjoni COTER;

50.

jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li huwa importanti ħafna li l-ministri responsabbli għall-politika ta’ koeżjoni jiltaqgħu regolarment f’konfigurazzjoni formali tal-Kunsill  (13) sabiex jitkellmu dwar l-avvanz tal-programmazzjoni u biex jevalwaw il-progress li jsir fir-rigward tal-objettivi mixtieqa;

Sħubijiet u governanza

51.

jemmen li s-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 jiddependi minn implimentazzjoni li tinvolvi lill-atturi differenti kkonċernati fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali permezz ta’ sistema ta’ governanza f’diversi livelli. F’dan ir-rigward, ifakkar fil-ħtieġa li jiġu żviluppati patti territorjali li jinvolvu b’mod aktar dirett lill-awtoritajiet reġjonali u lokali;

52.

ifakkar fl-importanza ta’ kriterji iktar b’saħħithom u iktar dettaljati li jwasslu għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil, in-negozjati u l-implimentazzjoni tal-objettivi strateġiċi Komunitarji u nazzjonali kif ukoll tal-programmi operattivi. Jifraħ li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea jenfasizzaw li l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll tal-atturi soċjoekonomiċi tat-territorju huma fattur deċiżiv għas-suċċess tal-politika ta’ koeżjoni;

Prestazzjoni, kundizzjonalità, inċentivi u penali

53.

iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiżguraw l-ogħla prestazzjoni tal-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali tagħhom kif ukoll sabiex jiżviluppaw riżorsi finanzjarji u umani adegwati biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-kumplessità tal-proġetti ffinanzjati mill-UE, l-aktar f’termini ta’ piż amministrattiv u burokrazija; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu żgurati livelli adegwati ta’ finanzjament sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu jistgħu jieħdu sehem b’mod adatt fil-proġetti ewlenin iffinanzjati permezz tal-Fondi Strutturali;

54.

jopponi bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kundizzjonalità makroekonomika hekk imsejħa esterna, jiġifieri li ma jingħatawx il-Fondi Strutturali li huma disponibbli għar-reġjuni u l-bliet minħabba l-iżbalji u l-irregularitajiet tal-gvernijiet nazzjonali tagħhom jew f’każ li l-gvernijiet nazzjonali ma jirrispettawx il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Hemm ir-riskju li l-użu ta’ penali jew inċentivi finanzjarji marbuta mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir bil-ħsieb li jiggarantixxu l-konformità mal-kundizzjonijiet makroekonomiċi jippenalizza essenzjalment lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, filwaqt li dawn mhumiex responsabbli għall-fatt li l-Istati Membri ma jirrispettawx l-obbligi tagħhom fil-qasam (14);

55.

jappoġġja t-twaqqif ta’ kundizzjonalità hekk imsejħa interna li għandha l-għan li ttejjeb l-effikaċja tal-politika ta’ koeżjoni. Din ix-xorta ta’ kundizzjonalità għandha tkun marbuta mill-qrib mal-prijoritajiet tematiċi tal-politika ta’ koeżjoni u ma għandhiex tipprova toħloq rabtiet ma’ riformi strutturali usa’ li huma biss marbuta b’mod indirett mal-funzjonament tal-politika. Għandha tiffoka fuq dawk il-kundizzjonijiet tematiċi u strutturali meħtieġa biex jiġi assigurat l-aħjar użu tar-riżorsi ta’ koeżjoni. Għandha tkun sempliċi, applikabbli, proporzjonali u tiġi valutata ex ante;

56.

jappoġġja l-fatt li jinżamm kofinanzjament Ewropew li jiggarantixxi s-sjieda u r-responsabbilizzazzjoni tal-atturi lokali. Bħalma qed jiġri fil-perijodu attwali, ir-rati ta’ kofinanzjament Komunitarju għandhom jiġu aġġustati għal kull objettiv skont il-livell ta’ żvilupp ta’ kull reġjun. Mill-banda l-oħra, il-Kumitat jopponi kwalunkwe tnaqqis fir-rati ta’ kofinanzjament; dawn m’għandhomx iservu bħala varjabbli tal-aġġustamenti f’każ ta’ restrizzjonijiet baġitarji li jirriżultaw mill-ftehim interistituzzjonali dwar il-perspettivi finanzjarji li jmiss. Barra minn hekk, il-Kumitat jistaqsi kif ser taħdem is-sistema proposta mill-Kummissjoni Ewropea li r-rati ta’ konfinanzjament ivarjaw skont il-valur miżjud Komunitarju, it-tipi ta’ azzjonijiet u l-benefiċjarji. Hemm ir-riskju li sistema ta’ dan it-tip tiftaħ it-triq għal kumplessitajiet li jistgħu joħolqu l-irregularitajiet, u li tkompli tikkumplika l-kompiti tal-awtoritajiet tal-ġestjoni. Fl-aħħar nett, ifakkar li r-rati ta’ kofinanzjament għal kull prijorità għandhom jiġu stabbiliti fil-livell ta’ kull programm operattiv sabiex ikunu adatti għall-objettivi prijoritarji miżmuma;

57.

jopponi l-proposta li tiġi stabbilita riserva ta’ prestazzjoni bbażata fuq l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, li għaliha jidher li hu diffiċli li jiġu definiti kriterji oġġettivi għall-allokazzjoni. Hemm ir-riskju li riserva ta’ prestazzjoni bħal din tkun ta’ benefiċċju għall-aktar reġjuni effiċjenti mingħajr ma jitqiesu l-isforzi li jagħmlu ċerti reġjuni li mhux dejjem ikollhom kundizzjonijiet favorevoli mil-lat territorjali, ekonomiku jew soċjali, u mingħajr ma titqies in-natura ta’ ċerti soluzzjonijiet, b’mod partikolari s-soluzzjonijiet integrati kumplessi, li jeħtieġu tħejjija fit-tul. Riserva ta’ prestazzjoni tista’ twassal għad-definizzjoni ta’ għanijiet inqas ambizzjużi mill-Istati Membri. Barra minn hekk, jemmen li l-ħolqien ta’ riserva ta’ prestazzjoni, sew jekk tkun stabbilita fil-livell Komunitarju sew f’dak nazzjonali, ma tiggarantixxix li l-investiment ikun aktar effikaċi. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat jista’ jappoġġja l-ħolqien ta’ riserva ta’ flessibbiltà (li ma tkunx ibbażata fuq kriterju ta’ prestazzjoni) fuq il-bażi ta’ approprjazzjonijiet li jiġu diżimpenjati b’mod awtomatiku matul il-perijodu ta’ programmazzjoni bil-għan li:

tiffinanzja l-inizjattivi sperimentali fil-qasam tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli jew inklużiv;

kif ukoll li l-Fondi Strutturali jkunu jistgħu jintużaw f’sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika, soċjali jew ambjentali flimkien mal-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;

58.

jaċċetta l-bżonn li jiġu stabbiliti forom ġodda ta’ kundizzjonalitajiet finanzjarji (imsejħa interni) li jkunu marbuta mar-riżultati, filwaqt li, biex tiġi garantita implimentazzjoni koerenti tas-sistema ta’ kundizzjonalità strutturali, iqis li huwa indispensabbli li jiġu definiti kriterji – ġenerali, ġusti, proporzjonati u bbażati fuq il-prinċipju ta’ trattament ugwali – li abbażi tagħhom ikun possibbli jiġi stabbilit jekk kundizzjoni partikolari tkunx intlaħqet jew le. L-objettivi kwantifikati għandhom iservu għat-tmexxija strateġika tal-programmazzjoni mingħajr ma joħolqu spejjeż żejda sproporzjonati. Filwaqt li jiġu definiti bil-għajnuna ta’ għadd limitat ta’ indikaturi tat-twettiq u tar-riżultati, dawn jippermettu li jitkejjel il-progress li jinkiseb mis-sitwazzjoni tat-tluq kif ukoll it-twettiq tal-objettivi li jimplimentaw il-prijoritajiet. Għalhekk m’għandux ikun hemm penali jekk ir-riżultati mistennija ma jintlaħqux għalkollox. Kif fakkru l-ministri responsabbli għall-politika ta’ koeżjoni li ltaqgħu f’Liège nhar it-22 u t-23 ta’ Novembru 2010, bħalissa qed jiġu implimentati kundizzjonalitajiet kbar u dawn urew li huma effikaċi. Dawn huma, b’mod partikolari, ir-regola tad-diżimpenn awtomatiku, ir-regoli tal-għeluq, tal-approvazzjoni tas-sistemi ta’ kontroll u ta’ verifika, il-prinċipji tal-addizzjonalità u tal-kofinanzjament, eċċ. Għalhekk, dawn il-kundizzjonalitajiet interni jistgħu jitkomplew u jittejbu;

59.

ifakkar li l-kontributi li jagħtu l-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-konformità mal-prinċipju tal-konfinanzjament jagħmlu lill-Kumitat tar-Reġjuni totalment leġittimu li jipparteċipa fid-djalogu kostruttiv mixtieq mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li ssir diskussjoni fil-fond dwar il-modalitajiet differenti tal-kundizzjonalità li huma ppreżentati fil-ħames rapport dwar il-koeżjoni, fil-kuntest ta’ task force dwar il-kundizzjonalità, flimkien mal-Istati Membri u l-Parlament Ewropew;

Evalwazzjoni u r-riżultati mistennija

60.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiffoka aktar fuq ir-riżultati permezz ta’ objettivi u indikaturi tar-riżultati ċari, li jistgħu jitkejlu, u li jiġu stabbiliti b’approċċ minn isfel għal fuq skont l-objettivi speċifiċi ta’ kull reġjun. Madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni tista’ taqa’ għat-tentazzjoni li tivvaluta l-prestazzjonijiet biss skont il-progress li jkun sar b’mod konkret fit-twettiq tal-objettivi tal-Ewropa 2020. F’dan ir-rigward, ifakkar li l-perijodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 diġà wettaq avvanz f’dan il-qasam bl-istabbiliment ta’ evalwazzjoni ex-ante, in itinere u ex-post li għandha tagħti rendikont qabel ma nkomplu mexjin f’din it-triq;

61.

jappoġġja l-użu ta’ numru limitat ta’ indikaturi komuni b’rabta mal-objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u tal-Istrateġija Ewropa 2020, sabiex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tistabbilixxi evalwazzjoni globali u kontinwa tal-perijodu kollu ta’ programmazzjoni. Madankollu, il-parti l-kbira tal-indikaturi għandhom jiġu stabbiliti fil-livell reġjonali skont l-ispeċifiċitajiet territorjali ta’ kull reġjun u l-prijorità miżmuma. Barra minn hekk għandhom jirriflettu l-ħtieġa ta’ soluzzjoni proposta għall-iżvilupp territorjali;

Strumenti ta’ inġinerija finanzjarja

62.

jappoġġja l-użu ta’ strumenti ta’ inġinerija finanzjarja sabiex jiżdied l-effett ta’ lieva tal-fondi Komunitarji. Madankollu, jiddispjaċih li l-Kummissjoni tapplika restrizzjonijiet tematiċi biex tistabbilixxi d-dritt għall-għajnuna u jemmen li huwa indispensabbli li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu f’liema livell (nazzjonali, reġjonali) jimplimentaw l-istrumenti finanzjarji bl-aktar mod effettiv possibbli. Però l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti għandha tkun semplifikata u espliċita sabiex:

tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-BEI u ta’ korpi bankarji rilevanti oħra fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali;

l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inkoraġġuti jużaw aktar dawn l-istrumenti u jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom; u

jissodisfaw il-ħtiġijiet tar-reġjuni kollha, kbar u żgħar, billi l-istrumenti attwali huma mfassla biss għal azzjonijiet fuq skala kbira;

63.

għandu d-dubju dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li l-appoġġ finanzjarju jiġi mmirat lejn l-intrapriżi, l-aktar permezz tal-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja, filwaqt li s-sussidji jitħallew għall-kofinanzjament ta’ programmi ta’ għajnuna ffokati fuq l-innovazzjoni, il-ħarsien tal-ambjent, eċċ. L-għajnuna għall-intrapriżi fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni ma tistax issir biss permezz tal-inġinerija finanzjarja u ma tneħħix il-bżonn għas-sussidji, billi mhux kull attività tista’ tiġi ffinanzjata mis-self. U mhux il-korpi kollha jistgħu jieħdu f’idejhom il-ġestjoni ta’ proġetti ffinanzjati mis-self. Il-kriżi wriet li f’perjodu ta’ reċessjoni l-istrumenti bbażati fuq is-suq ma jistgħux jitħaddmu. Huwa f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali li jagħżlu t-tip ta’ għajnuna l-aktar adatta skont in-nisġa ekonomika u intraprenditorjali ta’ kull reġjun, u fid-dawl tal-politika tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, tal-għajnuna għal finijiet reġjonali;

Semplifikazzjoni

64.

jopponi kwalunkwe modifika sostanzjali tas-sistema attwali tal-ġestjoni tal-Fondi Strutturali kif propost mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest tar-riformulazzjoni tar-regolament finanzjarju. Għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea żżomm is-sistema attwali li qed tibda tħalli l-frott fir-rigward tat-tnaqqis tar-rati tal-iżbalji u tal-irregularitajiet, filwaqt li ttejjibha u tissemplifikaha kif meħtieġ;

65.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni tkun effikaċi u tagħti prestazzjoni aħjar billi jinstab bilanċ bejn is-sempliċità u l-effiċjenza tal-proċeduri u l-ġestjoni finanzjarja bil-għan li tiżdied il-prattikabbiltà u t-trasparenza tal-politika ta’ koeżjoni. Ir-rikonoxximent tal-kompetenza sħiħa tar-reġjuni fil-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi reġjonali ser ikun wieħed minn dawn l-elementi ta’ bilanċ. Barra minn hekk, il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jkun jista’ jipproponi soluzzjonijiet biex jappoġġja kull proposta li l-għan tagħha jkun li tkompli tissemplifika r-regoli tal-implimentazzjoni tal-fondi għall-awtoritajiet tal-ġestjoni, u tal-ksib tal-finanzjamenti għall-benefiċjarji. Jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tissokta bir-riflessjonijiet tagħha dwar is-semplifikazzjoni sabiex tkun tista’, b’mod partikolari, tnaqqas iż-żmien li jittieħed biex jiġu rimborżati l-benefiċjarji;

66.

jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea tuża metodi semplifikati għar-rimborż tal-benefiċjarji billi jiġu standardizzati l-ispejjeż kemm għall-FEŻR kif ukoll għall-FSE. Jappella lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippermettu implimentazzjoni rapida ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li ser jikkontribwixxu wkoll biex il-programmazzjoni tkun ikkonċentrata aktar fuq ir-riżultati mistennija;

67.

huwa favur reviżjoni tal-proċeduri relatati mal-programmi tal-kooperazzjoni territorjali bil-għan li jiġu stabbiliti regoli komuni għall-programmi kollha sabiex il-proċeduri tal-verifika aċċettati fil-livell nazzjonali jkunu jistgħu japplikaw għall-imsieħba, u b’hekk l-imsieħba ewlenin ma jkollhomx għalfejn jikkonfermaw il-verifiki minn Stati Membri oħra;

68.

iwissi lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-proposta li jiġu stabbiliti dikjarazzjonijiet tal-immaniġġjar ffirmati mill-awtoritajiet tal-ġestjoni u l-Qorti tal-Awdituri. Proposta bħal din m’għandhiex twassal biex tagħmel il-kompitu tal-awtoritajiet reġjonali u lokali aktar diffiċli minħabba r-regoli tal-kontroll u tal-verifika, u biex il-Kummissjoni Ewropea taħrab mir-responsabbiltà tagħha ta’ interpretazzjoni u appoġġ fis-suġġett;

69.

jenfasizza li l-kontroll finanzjarju u tal-verifika jridu jkunu bbażati b’mod ċar fuq il-konformità regolatorja u għandhom ikunu proporzjonali; u jopponi bil-qawwa l-proċess ta’ “regolamentazzjoni gradwali”, li permezz tiegħu l-awtoritajiet tal-ġestjoni jkunu “mħeġġa” jħejju ċerti pjani ta’ valutazzjoni meta ma jkun hemm l-ebda ħtieġa biex dan isir, u li, permezz ta’ dan il-proċess ukoll, il-listi standardizzati ta’ kontroll li jintużaw mill-awdituri, provduti mill-Coordination Committee of the Funds (Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Fondi – COCOF), ikunu jinkludu elementi li mhumiex fir-Regolamenti tal-UE u lanqas ma jkunu ħtieġa tar-regolamenti nazzjonali;

70.

jifraħ bil-proposta tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li l-ewwel sena tal-programmazzjoni tiġi eskluża mir-regola tad-diżimpenn awtomatiku, u jixtieq li din l-ewwel sena tkun ġustifikata biss meta jingħalaq il-programm operattiv. Dispożizzjoni bħal din tippermetti li jitneħħa d-dewmien li jkun hemm fil-bidu tal-perijodu ta’ programmazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jridu jaraw li l-adozzjoni tal-programmi operattivi tkun effettiva b’approċċ kemm jista’ jkun minn isfel għal fuq bil-għan li jintaqqsu r-riskji ta’ dewmien fil-bidu tal-perijodu;

71.

jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea ma tipproponi l-ebda semplifikazzjoni rigward il-proġetti li jiġġeneraw id-dħul, li l-kumplessità tal-mod tal-kalkolu tagħhom tidher li qed tkun kontroproduttiva u qed taqta’ qalb dawk responsabbli għalihom. Barra minn dan, jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni Ewropea tissemplifika u tħaffef is-sistema tal-approvazzjoni tal-proġetti l-kbar;

72.

jappoġġja l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż bejn l-oqsma ta’ azzjoni, l-istrumenti u r-riżorsi – permezz ta’ dispożizzjonijiet dettaljati fil-Qafas Strateġiku Komuni u l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali direttament assoċjati miegħu – biex jiġu semplifikati l-proċeduri tal-implimentazzjoni u biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji tal-irregularitajiet. Madankollu, għandu jiġi żgurat li l-awtoritajiet reġjonali u lokali jipparteċipaw bis-sħiħ fl-istabbiliment ta’ dawn ir-regoli tal-eliġibbiltà flimkien mal-Istati Membri biex tiġi assigurata l-interpretazzjoni komuni tajba u l-applikazzjoni tar-regolamenti Komunitarji fil-livell nazzjonali u f’dak reġjonali.

Brussell, 1 ta’ April 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Iżvilupp u l-Koeżjoni Territorjali (ESPON).

(2)  Ara l-Opinjoni dwar il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew wara l-2013 – CdR 370/2010 (relatur: Catiuscia Marini, IT/PSE).

(3)  Laqgħa ministerjali informali li saret f’Liège nhar it-22 u t-23 ta’ Novembru 2010.

(4)  Ara l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 dwar l-iżvilupp urban sostenibbli.

(5)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KtR dwar Strateġija għaż-żona ġeografika tal-Baħar tat-Tramuntana/Kanal Ingliż – CdR 99/2010 fin (relatur: Hermann Kuhn, DE/PSE).

(6)  Ara l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar il-perspettivi ġodda għar-reviżjoni tar-Regolament REKT – CdR 100/2010 riv. 3 (relatur: Alberto Nuñez Feijoo, ES/PPE).

(7)  Ara l-Artikolu 174 TFUE: “żoni rurali, […] żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u […] reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi”.

(8)  Il-programm RURBACT ikun ibbażat fuq l-evoluzzjoni u t-tisħiħ tal-programm URBACT, fid-dawl tal-esperjenza tan-netwerk RURACT sabiex titqies aħjar ir-rabta bejn id-dimensjonijiet urbani u rurali.

(9)  Ara l-eżempju tal-kunsiderazzjoni tal-koeżjoni territorjali fl-approċċ integrat tal-programmazzjoni tal-Fondi Strutturali fl-Italja matul il-perijodu 2000-2006. Dawn il-proġetti territorjali integrati jkopru seba’ reġjuni NUTS II, b’implimentazzjoni fil-livell sottoreġjonali.

(10)  Ara l-eżempju tal-Grupp ta’ Azzjoni Lokali fil-qafas tal-programm LEADER+.

(11)  Ara l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali (relatur: Jean-Yves Le Drian, FR/PSE), CdR 274/2008 fin.

(12)  L-identifikazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jkunu firmatarji għandha ssir fil-livell ta’ kull Stat Membru skont it-tqassim tal-kompetenzi sottoreġjonali.

(13)  Din tista’ tkun konfigurazzjoni speċifika għall-politika ta’ koeżjoni, jew inkella sessjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali li jkunu ddedikati għall-politika ta’ koeżjoni, bil-preżenza tal-ministri responsabbli għall-politika ta’ koeżjoni.

(14)  Opinjoni tal-KtR tal-1 ta’ Diċembru 2010 dwar it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, relatur: is-Sur Tatsis (EL/PPE), CdR 224/2010 fin, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tal-KtR dwar il-prijoritajiet għall-2011 adottata fit-2 ta’ Diċembru 2010, CdR 361/2010 fin (speċjalment punt 10).


7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/45


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew wara l-2013”

2011/C 166/08

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jirrakkomanda bil-qawwa li l-FSE jżomm il-kwalità tiegħu ta’ fond strutturali, u jittama li tissaħħaħ id-dimensjoni territorjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi intersettorjali, inklużi dawk relatati mal-kooperazzjoni;

josserva b’interess li l-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni jagħmel referenza għall-potenzjal innovattiv tal-inizjattivi lokali, u jappoġġja bis-sħiħ li l-FSE jsir parti integrali mill-mudell ta’ żvilupp lokali propost f’dan id-dokument;

huwa tal-fehma li l-għanijiet ewlenin tal-FSE għandhom jibqgħu dawk li jittejbu l-opportunitajiet tax-xogħol permezz tal-impjieg u t-tħaddim effiċjenti tas-swieq tax-xogħol, li jiġi żviluppat u jiżdied il-kapital uman, li l-ħaddiema jingħataw l-appoġġ meħtieġ sabiex ma jitilfux xogħolhom, u li jkun hemm appoġġ għall-innovazzjoni, l-intraprenditorija u r-riforma fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

jenfasizza bil-qawwa l-bżonn li l-FSE jkompli jagħti attenzjoni kbira lill-prijoritajiet orizzontali bħall-inklużjoni soċjali tal-persuni u tal-gruppi żvantaġġati u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru u l-età. B’mod partikolari, għandu jappoġġja u jsaħħaħ l-għan tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’termini ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali fl-impjieg u r-rimunerazzjoni tan-nisa (gender pay gap);

huwa tal-fehma li l-istrumenti ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ tad-dħul jistgħu jirrappreżentaw qasam ta’ intervent tal-FSE jekk jintrabtu mal-interventi tal-politika attiva tax-xogħol. Fil-fatt, huwa tal-fehma li l-hekk imsejħa “social shock absorbers” (miżuri soċjali fi żmien ta’ kriżi) għandhom jibqgħu jiġu pprovduti mill-Istati Membri, għaliex jekk l-interventi ta’ dan it-tip isiru taħt l-FSE hemm il-periklu li dan jitbiegħed mill-għanijiet tiegħu u l-effikaċja tiegħu tkun limitata, għaliex jiffoka wisq fuq il-miżuri ta’ emerġenza pjuttost milli fuq il-miżuri fit-tul;

jenfasizza s-sitwazzjoni kritika tal-komunitajiet tar-Roma, li mhux biss qed ikollhom iħabbtu wiċċhom mal-esklużjoni soċjali u ekonomika iżda qed ikunu soġġetti wkoll għal segregazzjoni spazjali u kundizzjonijiet tal-għajxien inferjuri meta mqabblin mal-medja; hemm bżonn li jinstab rimedju permezz ta’ strumenti Ewropej li jitħaddmu fil-livell lokali u reġjonali.

Relatur

Catiuscia MARINI (IT/PSE), President tar-Reġjun tal-Umbria

I.   OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-identità, l-għanijiet u l-leġittimazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2013

1.

jaqbel mal-idea, imsemmija mill-Kummissjoni Ewropea fil-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni (1), ta’ politika ta’ koeżjoni mmirata lejn ir-reġjuni Ewropej kollha, bil-għan li tippromovi l-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni u tgħin lir-reġjuni li jkunu għadhom lura biex ilaħħqu mal-oħrajn billi jingħataw il-biċċa l-kbira tar-riżorsi, iżda wkoll bil-għan li tappoġġja l-kompetittività tar-reġjuni avvanzati, u b’hekk tiġġieled kontra l-approċċi partikolaristi (beggar your neighbour) li, filwaqt li jħarsu l-interessi tal-pajjiż/territorju kkonċernat, jista’ jkollhom effetti negattivi fuq oħrajn;

2.

għalhekk, huwa tal-fehma li hija meħtieġa strateġija definita fil-livell territorjali li taġixxi bħala addizzjoni neċessarja għas-suq uniku, anke biex ittaffi l-potenzjal tiegħu li jaggrava l-iżbilanċi territorjali, u li tfittex li tilħaq l-għanijiet marbuta mal-iżvilupp ekonomiku u l-inklużjoni soċjali. Jemmen ukoll li hemm bżonn li jiġu żgurati l-koerenza u l-ġestjoni integrata bejn l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni aktar milli jiġu promossi b’mod separat, filwaqt li tinżamm distinzjoni ċara u espliċita bejn l-interventi differenti;

3.

jittama li, kulma jmur, il-politika ta’ koeżjoni tfittex il-leġittimazzjoni u l-viżibbiltà tagħha f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej permezz ta’ enfasi fuq ir-riżultati u l-kejl tagħhom, filwaqt li jitħaddem bis-sħiħ il-kunċett tar-responsabbiltà u jiġu evitati approċċi li jistgħu jintużaw kullimkien (one size fits all) permezz ta’ soluzzjonijiet burokratiċi mfassla minn qabel, u minflok ikun hemm lok għal proċessi ta’ tagħlim u implimentazzjoni fil-livell lokali adatti għaż-żona speċifika, kif ukoll għat-twettiq tal-koeżjoni territorjali, għan politiku ġdid stipulat fit-Trattat ta’ Lisbona (2);

4.

jemmen li, bil-għan li l-interventi jkunu sinifikanti, għandu jiġi pprovdut livell konsistenti ta’ riżorsi finanzjarji, sabiex ikun hemm ammont minimu disponibbli anke għal dawk ir-reġjuni li mhux neċessarjament għadhom lura mil-lat ta’ żvilupp f’termini ta’ statistika medja iżda li, madankollu, ikollhom ta’ spiss jiffaċċjaw sfidi ta’ koeżjoni interna minħabba l-eżistenza ta’ żona li tkun fqira u sottożviluppata;

5.

jitlob biex il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jiġi integrat fil-baġit tal-Unjoni, b’mod partikolari bil-għan li l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi ssir b’pass aktar mgħaġġel;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-politika ta’ koeżjoni u l-għanijiet marbuta mal-Ewropa 2020

6.

huwa tal-fehma li l-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020 għandhom ikunu koordinati u koerenti, u li l-oqsma koperti mill-appoġġ dirett, u r-reċiproċitajiet u l-komplementarjetajiet bejniethom għandhom ikunu identifikati b’mod ċar. L-awtonomija tal-politika ta’ koeżjoni, kif jipprevedi t-Trattat (3) għandha tinżamm filwaqt li jsir użu tajjeb mill-modi li bihom tista’ tikkontribwixxi għas-suċċess tal-Ewropa 2020;

7.

jenfasizza bil-qawwa kemm huwa importanti r-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Dawn l-awtoritajiet jirrappreżentaw il-livell ideali biex ifasslu u jimplimentaw il-politiki tal-UE b’mod li huwa konsistenti ma’ strateġija fit-tul li għandha l-għan li tindirizza l-użu dgħajjef tar-riżorsi u l-esklużjoni soċjali f’postijiet speċifiċi permezz ta’ azzjonijiet addizzjonali adatti u l-governanza f’diversi livelli;

8.

jirrifjuta kull ipoteżi ta’ rinazzjonalizzazzjoni tal-politiki ta’ koeżjoni, jew ta’ dawk marbuta mal-konċentrazzjoni settorjali. Dawn ma jidhrux adatti biex joffru appoġġ koerenti u funzjonali lill-Istrateġija Ewropa 2020 u, barra minn hekk, imorru kontra d-dimensjoni territorjali u l-governanza f’diversi livelli, li tħaddan il-valuri pożittivi ta’ governanza aħjar, u li sa issa ħarġu permezz tal-koeżjoni u li għandhom l-għeruq tagħhom fit-Trattat. It-titjib tal-governanza ekonomika, flimkien mat-tisħiħ tal-koeżjoni Ewropea, jirrappreżentaw kontribut determinanti biex tingħeleb il-kriżi ekonomika (4);

Ir-rwol tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fil-politika ta’ koeżjoni

9.

jemmen li huwa vitali li l-FSE jkompli jfittex li jilħaq l-għanijiet tiegħu, li huma msemmija hawn fuq, fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni Ewropea, jiġifieri permezz ta’ programmi kemm jista’ jkun organiċi u integrati, u jagħti attenzjoni xierqa lid-dimensjoni territorjali. B’mod partikolari, l-azzjonijiet maħsuba biex jagħtu spinta lill-kapital uman b’mod li jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli għandhom jiġu inklużi f’politika ta’ żvilupp aktar wiesgħa u jintrabtu magħha;

10.

jenfasizza li l-kriżi ekonomika reġgħet saħħet ir-rwol li jaqdi l-FSE bħala strument indispensabbli biex jappoġġja l-adattament tal-ħaddiema u l-intrapriżi għall-kundizzjonijiet ġodda taċ-ċiklu ekonomiku u tas-swieq, u biex jipproteġi d-dħul tal-ħaddiema milquta mill-kriżi, u għalhekk jafferma mill-ġdid l-importanza li nkomplu fit-triq li twassal għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, jilqa’ b’sodisfazzjon u jtenni l-kunċett – imsemmi mill-Parlament Ewropew (5) u affermat mill-KtR fl-opinjoni tiegħu “Il-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni” (6) – ta’ strateġija Ewropea ta’ koeżjoni msejsa fuq l-impjieg u l-inklużjoni soċjali, u tar-rwol kruċjali li jaqdi l-FSE fil-promozzjoni tal-impjegabbiltà u fil-ġlieda kontra l-faqar, rwol li jsir aktar importanti u meħtieġ fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ kriżi ekonomika attwali. In-natura multiannwali tal-FSE bħala strument kienet imprezzabbli biex kemm il-komunitajiet lokali kif ukoll il-promoturi tal-proġetti jkollhom l-istabbiltà tant meħtieġa, speċjalment meta l-awtoritajiet lokali jkunu għaddejjin minn żminijiet ta’ kriżi finanzjarja;

Il-valur miżjud tal-FSE b’relazzjoni għall-istrumenti finanzjarji nazzjonali oħra

11.

jirrakkomanda bil-qawwa li l-FSE jżomm il-kwalità tiegħu ta’ fond strutturali, u jenfasizza li, fil-livell Ewropew, dan issa jirrappreżenta aspett kostanti tal-interventi tal-UE fis-sens li, id-diversi pajjiżi – minkejja li jħaddnu kuntesti regolatorji u finanzjarji differenti – jistgħu, bis-saħħa tal-FSE, jieħdu azzjonijiet addizzjonali li mhumiex indirizzati fil-qafas normali tas-sistemi nazzjonali, jew almenu mhux biżżejjed. Jittama li tissaħħaħ id-dimensjoni territorjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi intersettorjali, inklużi dawk relatati mal-kooperazzjoni;

12.

josserva dawn il-kontributi addizzjonali importanti u speċifiċi:

l-użu tar-riżorsi tal-FSE huwa aktar flessibbli meta mqabbel ma’ dak tal-fondi nazzjonali, li huma tipikament marbuta ma’ għanijiet definiti. Din il-karatteristika kienet waħda mill-punti tajbin tal-FSE u għandha tinżamm fil-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid;

il-possibbiltà li jsiru riformi tas-sistemi li jservu ta’ pont bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol;

il-possibbiltà li jippromovu adattament kontinwu tal-kompetenzi – b’mod partikolari dawk ta’ livell għoli – għall-kategoriji kollha tal-ħaddiema, inklużi l-persuni b’diżabbiltà, bil-għan li jkunu jistgħu jaqdu rwol attiv fis-sistema tal-produzzjoni aktar faċilment, u b’hekk jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-inklużjoni soċjali u għall-kompetittività tar-reġjuni Ewopej;

l-appoġġ tal-FSE, issa li huwa aktar sinifikanti fil-kuntest attwali tar-restrizzjoni u t-tnaqqis tal-infiq pubbliku nazzjonali, fis-setturi tal-edukazzjoni u tar-riċerka, li huwa importanti biex jiżgura attività ta’ innovazzjoni importanti li titlob il-ħiliet u l-inizjattiva tal-forzi tax-xogħol;

il-kontribut addizzjonali, rilevanti minn perspettiva kwalitattiva, li joħroġ mill-konfront kontinwu bejn id-diversi esperjenzi nazzjonali fl-użu tal-Fond Soċjali Ewropew fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, u li jagħmilha possibbli li ssir evalwazzjoni komparattiva tas-sistemi nazzjonali u/jew reġjonali u lokali, kif ukoll tad-diversi sperimentazzjonijiet;

13.

barra minn hekk, jenfasizza l-importanza li wieħed ikun jista’ jopera f’qafas ta’ programmazzjoni multiannwali, minħabba ċ-ċertezzi li dan joffri mil-lat ta’ riżorsi u referenzi programmatiċi;

Għanijiet prijoritarji tal-FSE fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020

14.

jenfasizza li l-FSE jikkontribwixxi għat-tliet setturi prijoritarji definiti mill-Istrateġija Ewropa 2020 (7), b’mod partikolari dawk tat-tkabbir intelliġenti u tat-tkabbir inklużiv. Rigward il-ħames għanijiet kwantitattivi, il-Fond ifittex li jilħaq direttament l-għan li r-rata tal-impjieg titla’ għal 75 %, kif ukoll, għalkemm b’mod inqas dirett, l-għan li jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola u l-għan li b’mod ġenerali jitnaqqas il-livell tal-faqar permezz tal-iżvilupp ta’ politiki favur l-inklużjoni soċjali  (8). Fost il-“Linji gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020” definiti mill-Kunsill Ewropew (9), il-FSE ser jikkontribwixxi għat-twettiq tal-linji gwida li ġejjin:

 

Linja gwida 7: iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u tnaqqis tal-qgħad strutturali;

 

Linja gwida 8: l-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol b’kapaċitajiet li jirriflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-kwalità tal-impjiegi u t-tagħlim tul il-ħajja;

 

Linja gwida 9: it-titjib fil-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha u ż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja;

 

Linja gwida 10: il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar;

15.

jinsab imħasseb b’mod partikolari dwar iż-żieda fl-esklużjoni soċjali, b’mod partikolari fost il-migranti; it-tnaqqis fil-valur ekonomiku tax-xogħol u ż-żieda konsegwenti tal-hekk imsejħa “working poor”; ir-riskju miżjud tal-qgħad, u b’konsegwenza l-faqar tal-ħaddiema ’l fuq minn ħamsin sena; in-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ impjieg għall-persuni b’diżabbiltà; iż-żieda fl-inugwaljanzi fid-distribuzzjoni tad-dħul u ż-żieda marbuta ma’ dan fil-faqar relattiv u assolut. Fid-dawl tal-fatt li ż-żieda ta’ sitwazzjonijiet ta’ privazzjoni ekonomika tillimita l-aċċess għall-opportunitajiet kulturali, soċjali u materjali, li huma riżorsi fundamentali għall-iżvilupp u l-użu sħiħ tal-potenzjal ta’ kull individwu, hemm bżonn ta’ użu sostanzjali tal-FSE, anke b’konformità mal-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020 “Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi” u “Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar”;

16.

jenfasizza s-sitwazzjoni kritika tal-komunitajiet tar-Roma, li mhux biss qed ikollhom iħabbtu wiċċhom mal-esklużjoni soċjali u ekonomika iżda qed ikunu soġġetti wkoll għal segregazzjoni spazjali u kundizzjonijiet tal-għajxien inferjuri meta mqabblin mal-medja; hemm bżonn li jinstab rimedju permezz ta’ strumenti Ewropej li jitħaddmu fil-livell lokali u reġjonali;

17.

jenfasizza li, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali 2007–2013 b’referenza partikolari għall-azzjonijiet immirati lejn id-dimensjoni tal-inklużjoni soċjali tal-Programmi ta’ Żvilupp Reġjonali, u fuq il-bażi ta’ prattika tajba li ħarġet mill-implimentazzjoni tal-inizjattivi tal-UE, il-FSE jista’ wkoll jagħmel kontribut siewi fil-kuntest tal-prijorità tat-“tkabbir inklużiv” tal-Istrateġija Ewropa 2020 (10); josserva b’interess li l-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni jagħmel referenza għall-potenzjal innovattiv tal-inizjattivi lokali, u jappoġġja bis-sħiħ li l-FSE jsir parti integrali mill-mudell ta’ żvilupp lokali propost f’dan id-dokument. Ikun siewi li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet marbuta ma’ użu aktar estensiv tal-metodi purament ‘minn isfel għal fuq’ - pereżempju, għall-programmi tal-iżvilupp rurali, fuq il-bażi tal-LEADER - u f’dan il-każ il-FSE jista’ jaqdi rwol kruċjali;

18.

huwa tal-fehma li l-għanijiet ewlenin tal-FSE għandhom jibqgħu dawk li jittejbu l-opportunitajiet tax-xogħol permezz tal-impjieg u t-tħaddim effiċjenti tas-swieq tax-xogħol, li jiġi żviluppat u jiżdied il-kapital uman, li l-ħaddiema jingħataw l-appoġġ meħtieġ sabiex ma jitilfux xogħolhom, u li jkun hemm appoġġ għall-innovazzjoni, l-intraprenditorija u r-riforma fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

19.

jirrikonoxxi l-bżonn li tiġi implimentata sistema koordinata ta’ servizzi għax-xogħol, ta’ taħriġ, ta’ appoġġ għad-dħul u ta’ servizzi għall-konċiljazzjoni li, b’konformità mal-prinċipji Ewropej tal-flessigurtà, jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ flessibbiltà tas-suq u l-esiġenzi relatati mas-sigurtà u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema;

20.

jenfasizza bil-qawwa l-bżonn li l-FSE jkompli jagħti attenzjoni kbira lill-prijoritajiet orizzontali bħall-inklużjoni soċjali tal-persuni u tal-gruppi żvantaġġati u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru u l-età. B’mod partikolari, għandu jappoġġja u jsaħħaħ l-għan tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’termini ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali fl-impjieg u r-rimunerazzjoni tan-nisa (gender pay gap). Għaldaqstant, jilqa’ b’sodisfazzjon u jappoġġja l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew li tingħata prijorità għolja lill-impjiegi ekoloġiċi (“green jobs”) għan-nisa fil-kuntest tal-FSE. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea li jiġu introdotti fondi ddedikati għall-kwistjonijiet marbuta mal-ġeneru (gender budgeting) fil-FSE kif ukoll fil-pjani ta’ rkupru u fil-pjani ta’ aġġustament strutturali biex jiġi żgurat li dawn il-programmi jiġbdu lejhom u jintegraw in-nisa b’mod ekwu (11);

21.

barra minn hekk, jagħraf li s-soċjetà ma tipprovdix il-mezzi meħtieġa sabiex, wara li jwelldu, in-nisa jiġu integrati mill-ġdid fid-dinja tax-xogħol u għaldaqstant iqis li l-FSE għandu rwol kruċjali x’jaqdi, billi jagħmilha possibbli li dawk li jkunu ħallew is-suq tax-xogħol biex irabbu t-tfal jew jieħdu ħsieb qraba f’sitwazzjoni ta’ dipendenza jerġgħu jibdew jaħdmu;

22.

huwa tal-fehma li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-patti territorjali, li ser ikollhom jiġu nnegozjati bejn l-Istati Membri, mar-reġjuni tagħhom u l-Kummissjoni dwar l-Istrateġija ta’ Żvilupp imressqa fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, jirrapreżentaw strument li jipprovdi appoġġ għall-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020. Dawn il-patti, imsejsa fuq il-qafas strateġiku komuni u fuq ftehimiet ta’ natura kuntrattwali, għandhom jistabbilixxu l-prijoritajiet tal-investiment, l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-Unjoni Ewropea u tal-livelli governattivi differenti kkonċernati (nazzjonali, reġjonali u lokali) bejn is-setturi u l-programmi prijoritarji, u l-kundizzjonijiet stipulati u l-għanijiet li jridu jintlaħqu. Għandhom jissejsu fuq il-prinċipju tal-kundizzjonalità fil-kwalità tiegħu ta’ kriterju ta’ valutazzjoni ex ante u ex post tal-eleġibbiltà tal-azzjonijiet individwali għall-finanzjament;

23.

huwa tal-fehma li, bil-għan li tiġi promossa l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali b’mod koerenti, uniformi u integrat, ikun tajjeb li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-patti jitwessa’ biex iħaddan politiki oħra u strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE, biex b’hekk isir l-aħjar użu mill-kapaċità ta’ programmazzjoni u l-konoxxenza tal-prijoritajiet fi ħdan kull territorju individwali;

24.

ifakkar fl-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u jiġbed attenzjoni partikolari għar-rwol kruċjali li jaqdi l-FSE bħala strument għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ din l-istrateġija;

Konċentrazzjoni ġeografika u tematika tal-Fond Soċjali

25.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fost il-fondi strutturali, l-FSE huwa l-uniku fond immirat b’mod dirett lejn iċ-ċittadini: iż-żgħażagħ, il-persuni qiegħda, il-ħaddiema, l-anzjani u l-persuni fil-periklu ta’ esklużjoni soċjali. Għalhekk, huwa importanti ħafna li l-azzjonijiet li jiffinanzja jkunu jistgħu jiġu implimentati f’kull territorju tal-UE, biex b’hekk igawdu l-individwi indipendentement minn fejn jgħixu. L-intensità tal-għajnuna tiddependi mill-aspetti li ġejjin:

il-punt sa liema t-territorji kkonċernati jkunu għadhom lura fl-iżvilupp;

id-diffikultajiet tas-swieq tax-xogħol li jkollhom tnaqqis fil-kompetittività;

il-ħtieġa li tiġi żviluppata l-innovazzjoni fit-territorji;

il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-interventi marbuta mal-kapital uman anke fl-iktar territorji milquta mill-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika;

26.

jirrifjutta l-approċċ xejn sistematiku għall-allokazzjoni tal-fondi u jitlob li, minn naħa, tingħata preċedenza lit-temi prijoritarji għall-iżvilupp u, min-naħa l-oħra, lill-miżuri li jappoġġjaw lill-individwi żvantaġġati, jiġifieri billi tingħata attenzjoni partikolari lill-kwistjonijiet tal-adattabbiltà u l-impjegabbiltà, b’rabta mal-għanijiet tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, u għalhekk għandhom jiġu identifikati l-oqsma ta’ innovazzjoni, il-potenzjal għat-taħriġ mill-ġdid, l-ixpruni għall-bidla, inklużi l-impjiegi ekoloġiċi, fuq il-bażi ta’ analiżi bir-reqqa, preċiża u strutturata tal-ħtiġijiet u tal-kapaċità ġdida fost l-amministrazzjonijiet li jagħmlu l-previżjonijiet;

27.

huwa tal-fehma li l-istrumenti ta’ protezzjoni u ta’ appoġġ tad-dħul jistgħu jirrappreżentaw qasam ta’ intervent tal-FSE jekk jintrabtu mal-interventi tal-politika attiva tax-xogħol. Fil-fatt, huwa tal-fehma li l-hekk imsejħa “social shock absorbers” (miżuri soċjali fi żmien ta’ kriżi) għandhom jibqgħu jiġu pprovduti mill-Istati Membri, għaliex jekk l-interventi ta’ dan it-tip isiru taħt l-FSE hemm il-periklu li dan jitbiegħed mill-għanijiet tiegħu u l-effikaċja tiegħu tkun limitata, għaliex jiffoka wisq fuq il-miżuri ta’ emerġenza pjuttost milli fuq il-miżuri fit-tul. Barra minn hekk, josserva li, f’sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ kriżi, hemm bżonn li jintużaw il-fondi tal-FSE sabiex jiġu kkofinanzjati l-proġetti tal-Istati Membri li jindirizzaw problemi urġenti tal-impjieg, billi dawn il-proġetti jagħtu kontribut fit-tul għall-implimentazzjoni tal-linji gwida integrati nri 7, 8 u 10 tal-Istrateġija Ewropa 2020;

28.

jenfasizza li l-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jiġi kkunsidrat b’mod attiv ħafna fir-rigward tal-arranġamenti għad-definizzjoni tal-konċentrazzjoni tematika u ġeografika tal-FSE, iżda jiddispjaċih li f’xi Stati Membri l-FSE huwa implimentat permezz ta’ programmi nazzjonali biss, bi ftit jew xejn differenzi reġjonali bejn il-miżuri. Il-konformità ma’ dan il-prinċipju jagħmilha possibbli li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet effettivi tal-atturi u tat-territorji, li huma indispensabbli għall-ippjanar effettiv tal-interventi. Għalhekk jirrakkomanda, fid-dawl tal-esperjenza miksuba u bil-għan li jsir l-aħjar użu possibbli fil-livell territorjali tal-potenzjal moħbi tal-iżvilupp, li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSE tal-ġejjieni jiġi stabbilit b’tali mod li jħalli lok għal flessibbiltà akbar milli kien hemm fil-passat sabiex l-għanijiet tal-FSE jintlaħqu b’mod aktar effettiv anke fid-dawl tal-Istrateġija Ewropa 2020;

29.

jenfasizza, b’mod partikolari, li t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, kif jiġi rakkomandat fl-Ewropa 2020, tista’ sseħħ biss permezz ta’ interventi sistematiċi bil-għan li jxerrdu l-innovazzjoni fl-ekonomija u jħeġġu t-tixrid tar-riżultati tar-riċerka u tal-innovazzjoni fi ħdan l-intrapriżi u t-territorji, u b’hekk jitkattru l-mezzi għat-trasferiment tat-teknoloġija mill-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka lejn l-intrapriżi, u permezz ta’ inizjattivi għar-riċerkaturi fil-livell tad-dottorat bil-għan li tingħata spinta lill-kompetittività tas-sistemi tal-produzzjoni lokali;

Komplementarjetajiet u sinerġija mal-fondi l-oħra, b’mod partikolari mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)

30.

itenni l-idea, diġà espressa fl-opinjoni “Il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-Istrateġija Ewropa 2020”, tal-bżonn ta’ azzjoni reċiproka bejn il-fondi b’dimensjoni speċifikament territorjali, jiġifieri l-FSE u l-FEŻR, bil-għan li jinħolqu opportunitajiet ta’ impjieg ġodda u jkun hemm żieda fl-impjegabbiltà permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Jemmen li l-Qafas Strateġiku Komuni previst fil-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni huwa l-istrument ideali biex jiġbor flimkien l-għanijiet u jiġi integrat it-tħaddim tad-diversi fondi tal-UE, u bil-għan li jkun hemm konsistenza mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020;

31.

barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-Patt Territorjali, bħala espressjoni tal-prinċipju tas-sħubija, huwa strument siewi għat-tisħiħ ta’ din l-unità fil-livell tal-Istati Membri individwali u fil-livell reġjonali u lokali;

32.

jenfasizza li l-għan tal-Fond Soċjali Ewropew relatat mar-riżorsi umani għandu aspetti li, b’mod ċar, huma komuni u komplementari għall-FEŻR u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Fil-fatt, huwa tal-fehma li tista’ tinkiseb l-aħjar sinerġija possibbli permezz ta’ programmazzjoni integrata u ġestjoni koordinata mill-qrib, bil-kundizzjoni li tiġi rispettata l-awtonomija ta’ kull wieħed minn dawn il-fondi, li jiġu identifikati l-ispeċifiċitajiet tagħhom u li jiġu definiti, fil-livell Ewropew, il-limiti għall-allokazzjoni tar-riżorsi minn kull fond b’mod li jiġi żgurat bilanċ aċċettabbli u raġonevoli bejn ir-riżorsi allokati lilhom. Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jitgħallmu mill-aqwa prattiki li diġà jeżistu fil-qasam tal-implimentazzjoni integrata tal-FEŻR u tal-FSE fil-livell lokali. Eżempju wieħed huwa l-approċċ konġunt tal-Kumitat għall-Ġestjoni tal-FEŻR u l-FSE, li kkontribwixxa biex joħloq l-ikbar impatt possibbli tal-FSE u l-FEŻR fil-prattika u biex iħeġġeġ il-komplementarjetà bejn iż-żewġ fondi;

33.

jirrakkomanda li, fil-kuntest tal-bidliet li saru fl-ispejjeż eliġibbli (u mhux eliġibbli) tal-fondi differenti, jiġu eżaminati r-regoli dwar it-transfinanzjament (cross-financing) bil-għan li tiżdied is-semplifikazzjoni għall-benefiċjarji u l-korpi inkarigati mill-implimentazzjoni;

34.

huwa wkoll tal-fehma li l-enfasi magħmula fuq ir-riżultati, it-tisħiħ tad-dimensjoni territorjali, l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni aktar effettivi u r-rabta aktar stretta mal-programmazzjoni reġjonali integrata jirrappreżentaw strumenti effettivi għat-titjib tal-viżibbiltà tal-FSE f’għajnejn iċ-ċittadini Ewropej u l-impatt tiegħu fuq is-sistemi soċjoekonomiċi differenti. Jissuġġerixxi li l-komplementarjetà bejn l-FSE u l-FEŻR titħeġġeġ permezz ta’ metodi ta’ komunikazzjoni intelliġenti fil-livell lokali, pereżempju billi jiġi żgurat li l-istrateġiji ta’ komunikazzjoni għall-FEŻR u l-FSE jiġu amministrati minn korp wieħed, billi f’xi reġjuni dan għen lill-imsieħba jifhmu l-benefiċċji li jkollhom strateġiji b’għanijiet komuni għaż-żewġ programmi, minkejja l-enfasi differenti tal-attivitajiet;

Semplifikazzjoni tas-sistema tal-ġestjoni u l-orjentazzjoni tagħha lejn ir-riżultati (delivery system)

35.

huwa tal-fehma li s-sistema tal-ġestjoni u l-monitoraġġ għandha tkun inqas iffokata fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati l-proċeduri formali u l-għanijiet marbuta mal-użu tar-riżorsi, u tiffoka aktar fuq il-kwistjonijiet ewlenin li huma l-ivverifikar tar-riżultati konkreti miksuba u l-konformità mal-iskeda magħżula għal dawn il-kisbiet. Għal dan il-għan, għandha titħeġġeġ evalwazzjoni kontrofattwali tal-impatt tal-azzjonijiet iffinanzjati, b’mod li jiġi ċċekkjat x’jaħdem u x’ma jaħdimx;

36.

fir-rigward tal-FSE wara l-2013, huwa tal-fehma li hemm bżonn jitkompla l-proċess tas-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri kkofinanzjati fil-qafas tal-programmi operattivi, li tnieda matul il-perjodu attwali tal-programmazzjoni permezz tal-introduzzjoni tal-infiq eleġibbli fit-tifsira tal-Artikolu 11(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006 (spejjeż indiretti dikjarati abbażi ta’ rata fissa, spejjeż b’rata fissa bbażati fuq tabelli standard ta’ spejjeż unitarji, somom f’daqqa), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 396/2009. L-għan huwa li tittejjeb u tiġi kkonsolidata s-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet, bil-għan li jsiru inqas riġidi u jitħaffu l-proċeduri burokratiċi u amministrattivi li jiffaċċjaw il-benefiċjarji tal-FSE u l-organizzazzjonijiet responsabbli għall-ġestjoni tiegħu. B’mod partikolari, l-adozzjoni tal-proċeduri tal-monitoraġġ li jiffukaw fuq l-evalwazzjoni tal-operazzjonijiet kkofinanzjati, f’termini ta’ riżultati kwantitattivi u kwalitattivi, bħala konsegwenza diretta tal-adozzjoni tal-ispejjeż eleġibbli msemmija hawn fuq (spejjeż b’rata fissa bbażati fuq tabelli standard ta’ spejjeż unitarji, somom f’daqqa), tista’ tħeġġeġ użu aktar effettiv tal-FSE;

37.

barra minn hekk, huwa tal-fehma li mhux daqshekk faċli tkejjel l-impatt tal-miżuri ffinanzjati mill-FSE meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ interventi u, għal dan ir-raġuni, jaħseb li jkun utli li jiġu żviluppati u jintużaw l-indikaturi tar-riżultati li jikkontribwixxu biex isir monitoraġġ aktar effettiv tal-effetti tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-FSE, mhux biss f’termini finanzjarji, iżda l-aktar mill-perspettiva tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-persuni, li huma l-benefiċjarji diretti tal-azzjonijiet. L-indikaturi li jintużaw għandhom jiġu definiti b’mod ċar, ikunu jistgħu jitkejlu u jiġu kkwantifikati faċilment u jiġu applikati b’mod omoġenju;

38.

f’dan il-kuntest, jirreferi għall-opinjoni tal-KtR “Inkejlu l-progress lil hinn mill-PDG” (12), li enfasizzat il-bżonn urġenti li l-PDG jiġi kkomplementat bi kriterji li jħaddnu aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, li jinħoloq indiċi ambjentali globali u li jsir sondaġġ soċjali armonizzat fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali (13). Itenni li l-għażla ta’ dawn l-indikaturi u tal-kontenut tagħhom għandha tkun il-frott ta’ parteċipazzjoni wiesgħa, mil-livell taċ-ċittadini sa dak tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-Istati Membri u l-Unjoni, fi proċess ta’ diskussjoni li fl-aħħar nett jagħmilha possibbli li jintlaħqu l-għanijiet u jagħti leġittimità lill-azzjoni politika tal-UE, u b’hekk iċ-ċittadini jħaddnu b’mod aktar effettiv l-isforzi li jsiru biex noħorġu mill-kriżi u nippreservaw l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja;

39.

huwa tal-fehma wkoll li l-evalwazzjonijiet – kwantitattivi u kwalitattivi – relatati mal-placement (kwistjonijiet relatati mat-tiftix ta’ impjieg), li għandhom isiru permezz ta’ sondaġġi diretti u mhux permezz tal-estrapolazzjoni ta’ data amministrattiva, huma prattika tajba li għandha tissaħħaħ;

40.

jenfasizza l-fatt li, b’mod ġenerali, l-evalwazzjonijiet tal-placements għamluha possibbli li titkejjel l-effikaċja f’termini ta’ impjieg, tul perjodu ta’ bejn sitt xhur u sena, tal-politiki tat-taħriġ u, f’ċerti każijiet aktar speċifiċi, ħarġu fid-dieher, b’mod ċar ħafna, l-importanza tal-programmi integrati tat-taħriġ u/jew tar-riċerka b’esperjenza diretta fi ħdan intrapriżi jew ċentri tar-riċerka;

41.

josserva li hemm aktar trasparenza fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE, iżda hemm ukoll ammont sostanzjali ta’ burokrazija li ta’ spiss hija żejda, li ġġib magħha spejjeż amministrattivi kbar u dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi;

42.

għalhekk, jirrakkomanda li l-proċeduri tal-monitoraġġ ma jkunux tali li jagħmlu l-programmi inqas effiċjenti, u li l-piż amministrattiv ikun kompatibbli mal-esiġenza ta’ implimentazzjoni rapida u effikaċi ta’ dawn il-programmi, filwaqt li tiġi żgurata ġestjoni soda u ġusta permezz ta’ regoli ċari u sempliċi li jippermettu interpretazzjoni mhux ambigwa u mhux kontradittorja, fuq il-bażi tal-kriterji tal-proporzjonalità u l-kosteffettività fir-rigward tal-għanijiet predeterminati;

43.

huwa tal-fehma li l-awtoritajiet inkarigati mill-ġestjoni għandhom jingħataw responsabbiltà akbar fid-definizzjoni tal-proċeduri adatti, b’konformità mas-sistemi nazzjonali u reġjonali differenti, u b’hekk jitnaqqas il-livell tal-kontrolli li, b’mod oġġettiv, għandhom it-tendenza li jtawlu b’mod sostanzjali l-proċeduri tekniċi u amministrattivi u jżidu l-piż fuq il-benefiċjarji.

Brussell, 1 ta’ April 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  F’dan ir-rigward, ara l-opinjoni tal-KtR “Il-Ħames Rapport dwar il-Koeżjoni”, relatur: is-Sur Delebarre, CdR 369/2010.

(2)  F’dan ir-rigward, ara l-opinjoni tal-KtR “Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali”, relatur: is-Sur Le Drian, CdR 274/2008.

(3)  L-Artikolu 174 sal-Artikolu 178 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(4)  F’dan ir-rigward, ara l-opinjoni tal-KtR “Il-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-gvernanza f’diversi livelli” , Ġunju 2009 CONST-IV-020.

(5)  Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew.

(6)  “Il-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni”, relatur: is-Sur Schneider, CdR 210/2009.

(7)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, COM(2010) 2020 finali.

(8)  Jista’ jikkontribwixxi wkoll biex iżid l-ammont ta’ persuni bejn it-30 u l-34 sena li jkollhom grad tal-edukazzjoni għolja (billi jtejjeb il-kwalità tat-tagħlim tul il-ħajja fil-livelli kollha u billi jħeġġeġ il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja).

(9)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni: L-Ewwel Parti tal-Linji gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020, SEC(2010) 488 finali.

(10)  Eżempju ta’ implimentazzjoni fil-prattika tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-livell lokali hija l-Green Paper “Lazio 2020” li, fuq il-bażi ta’ esperjenza tal-politiki Ewropej u nazzjonali, iġġib il-filosofija tal-Ewropa 2020 fil-livell lokali fi strateġija għat-tisħiħ tas-suq tax-xogħol li tqis l-ispeċifiċitajiet reġjonali, l-oqsma ta’ kompetenza u l-professjonijiet preżenti fir-reġjun.

(11)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewroew tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ ekonomija sostenibbli ġdida (2010/2010(INI)).

(12)  “Inkejlu l-progress lil hinn mill-PDG”, relatur: is-Sur Vicente Álvarez Areces, (CdR 163/2010).

(13)  Ir-reġjun tal-Umbria attrezza ruħu bl-istrumenti meħtieġa biex ikejlu l-progress soċjoekonomiku tar-reġjun (lil hinn mill-PDG) permezz tal-ħolqien ta’ indikatur multidimensjonali tal-innovazzjoni, l-iżvilupp u l-koeżjoni soċjali, bħala strument għall-monitoraġġ tal-proċess leġislattiv. Barra minn hekk, fuq il-bażi tal-mudell Ewropew tat-Tabella Ewropea ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni, imħejjija mill-Kummissjoni Ewropea, dan ir-reġjun ħoloq ir-RUICS (Regione Umbria Innovation & Competitiveness Scoreboard – Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni u l-Kompetittività tar-Reġjun tal-Umbria), u qed jipproponi li bil-għajnuna ta’ din it-tabella kull sena jevalwa, permezz ta’ indikaturi aġġornati minn data antika sal-aħħar ċifri disponibbli, il-pożizzjoni tal-Umbria fil-qasam tal-innovazzjoni u l-kompeittività u jqabbel din il-pożizzjoni ma’ dik tar-reġjuni Taljani l-oħra kollha.


7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/52


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-Att dwar is-Suq Uniku”

2011/C 166/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta’ bilanċ ġenerali bejn it-tliet pilastri mhux biss fir-rigward tal-għadd ta’ miżuri proposti, in-natura tagħhom, iċ-ċarezza tal-kontenut tagħhom iżda wkoll l-istat tal-progress tal-implimentazzjoni tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-proposti tagħha fir-rigward it-tieni u t-tielet pilastru - fost oħrajn, billi tagħti linji gwida għal proposti leġislattivi – biex jintlaħaq il-livell ta’ preċiżjoni tal-proposti tal-ewwel pilastru;

jirrakkomanda li, fil-kuntest tal-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-iżviluppi kollha tat-Trattat ta’ Lisbona li jistgħu jerġgħu jsawru l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fis-suq uniku, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tat-TUE li jistabbilixxi objettivi soċjali ġodda għall-Unjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, il-promozzjoni tal-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-applikazzjoni tal-“klawżola soċjali trasversali” kif ukoll l-aċċess universali għas-servizzi essenzjali għaċ-ċittadini tal-UE fil-lokalitajiet tagħhom (Artikolu 14 tat-TFUE u Protokoll Nru 26);

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tagħti aktar ċareżża b’mod partikolari biex terġa’ tinbet il-fiduċja tal-Ewropej billi, fuq il-bażi tal-iżviluppi tat-Trattat ta’ Lisbona, fi ħdan l-ewwel pakkett ta’ miżuri tiġbor il-proposti kollha relatati mal-aċċess għas-servizzi essenzjali – waħda mill-preokkupazzjonijiet ta’ kuljum tal-Ewropej; għalhekk, jirrakkomanda li l-proposti marbuta mal-implimentazzjoni tal-Karta tad-drittijiet fundamentali (nru 29), mar-riforma tas-sistemi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, u l-ħolqien ta’ “passaport Ewropew tal-ħiliet” (nru 33 u nru 35), mat-titjib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (nru 30), mas-semplifikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u s-Servizzi ta’ Interess Ġenerali (nru 17 u nru 25), mal-intraprendenza soċjali (nru 36), mat-tnaqqis tal-ostakli fiskali li għadhom jaffrontaw iċ-ċittadini Ewropej (nru 42) u mal-aċċess għas-servizzi bankarji bażiċi (nru 40) jiġu integrati fl-ewwel pakkett ta’ miżuri

jipproponi li jiġu stabbiliti patti territorjali fejn, permezz ta’ approċċ reġjonali flessibbli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffukaw l-attivitajiet u l-fondi tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin. Hemm bżonn ta’ enfasi partikolari fuq proġetti li jippromovu l-innovazzjonijiet soċjali fir-reġjun ikkonċernat u li jkollhom l-akbar impatt possibbli fuq is-soċjetà. L-użu tal-patti territorjali u l-kontenut ta’ dawn il-patti huma parti mill-kriterji għall-allokazzjoni tal-fondi tal-UE għall-proġetti.

Relatur

is-Sur Jean-Louis DESTANS (FR/PSE), President tal-Kunsill Ġenerali tal-Eure

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Lejn Att dwar is-Suq Uniku”

COM(2010) 608 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tressaq għal dibattitu pubbliku wiesa’ proposta għal “Att dwar is-Suq Uniku” ibbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna u msejjes fuq il-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni ġenwina f’dan il-proġett min-naħa taċ-ċittadini Ewropej; jemmen li dan id-dokument jista’ jservi ta’ pjan direzzjonali għall-Kummissjoni Ewropea sal-2014 fir-rigward tal-politiki interni ewlenin tal-Unjoni u li l-prestazzjoni tal-Kummissjoni ser tiġi evalwata fid-dawl tal-kisbiet f’dan il-qasam;

2.

jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, abbażi tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ Mario Monti, dwar il-fatt inkwetanti li ċ-ċittadini tal-UE qed ikunu dejjem aktar diżappuntati dwar is-suq uniku; itenni l-ħtieġa assoluta li tinstab soluzzjoni permezz tal-implimentazzjoni effettiva tas-suq uniku mhux bħala objettiv fih innifsu iżda bħala strument immirat lejn l-objettivi stabbiliti mit-Trattat ta’ Lisbona;

3.

jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li s-suq intern għandu jippermetti lill-UE tgawdi l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni, jiftaħ oqsma ġodda tal-għarfien u tal-innovazzjoni bbażati fuq l-ekonomija diġitali, irawwem tkabbir sostenibbli għall-ħolqien tal-impjiegi għal kulħadd u jippromovi l-benesseri soċjali;

4.

għaldaqstant, japprova l-approċċ tal-Kummissjoni li huwa bbażat fuq approċċ globali tas-suq uniku li jmur lil hinn mill-objettiv sempliċi li jimla l-lakuni;

5.

jappella għat-tneħħija tal-ostakli għas-suq uniku diġitali. Hemm bżonn ta’ azzjoni minnufih li permezz tagħha jinħoloq suq fl-Ewropa kollha li jkun effettiv, ħaj u li jibqa’ jikber għall-ħolqien u d-distribuzzjoni tal-kontenut diġitali legali u s-servizzi onlajn. Permezz ta’ dan ikunu jistgħu jinħolqu intrapriżi globalizzati ġodda, jissaħħu dawk li jeżistu diġà u, b’konsegwenza ta’ dan, tkun tista’ sseħħ żieda rapida fl-impjiegi bbażati fuq il-kultura u l-għarfien espert Ewropew biex il-kumpaniji Ewropej ikunu jistgħu jiżguraw proporzjon li qed jikber tas-suq diġitali globali fil-kontenut u s-servizzi;

6.

jappoġġja l-approċċ tal-Kummissjoni li għandu l-għan jibbilanċja mill-ġdid is-suq uniku billi jibbażah fuq tliet pilastri: aspett ekonomiku biex jappoġġja t-tkabbir tal-intrapriżi; aspett soċjali biex isawwar mill-ġdid il-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE u aspett tal-governanza mtejba;

7.

madankollu, jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta’ bilanċ ġenerali bejn it-tliet pilastri mhux biss fir-rigward tal-għadd ta’ miżuri proposti, in-natura tagħhom, iċ-ċarezza tal-kontenut tagħhom iżda wkoll l-istat tal-progress tal-implimentazzjoni tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tispeċifika l-proposti tagħha fir-rigward it-tieni u t-tielet pilastru - fost oħrajn, billi tagħti linji gwida għal proposti leġislattivi – biex jintlaħaq il-livell ta’ preċiżjoni tal-proposti tal-ewwel pilastru;

8.

jafferma li hemm bżonn li jkun hemm rabta strutturali bejn l-Att dwar is-Suq Uniku u l-Istrateġija Ewropa 2020. Fil-fatt, l-Att dwar is-Suq Uniku m’għandux l-istatus ta’ pjattaforma tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Kummissjoni tikkunsidrah biss bħala “lieva” tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-istess bħall-politika kummerċjali jew l-appoġġ finanzjarju ġenerali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota b’dispjaċir li l-prijoritajiet ta’ tkabbir għall-intrapriżi (tkabbir “qawwi, sostenibbli u ġust”) ma jikkorrespondux mal-prijoritajiet ta’ tkabbir tal-Istrateġija Ewropa 2020;

9.

jirrakkomanda li, fil-kuntest tal-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-iżviluppi kollha tat-Trattat ta’ Lisbona li jistgħu jerġgħu jsawru l-fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fis-suq uniku, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tat-TUE li jistabbilixxi objettivi soċjali ġodda għall-Unjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, il-promozzjoni tal-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-applikazzjoni tal-“klawżola soċjali trasversali” kif ukoll l-aċċess universali għas-servizzi essenzjali għaċ-ċittadini tal-UE fil-lokalitajiet tagħhom (Artikolu 14 tat-TFUE u Protokoll Nru 26);

Tkabbir qawwi, sostenibbli u ġust għall-intrapriżi

10.

jinsab konvint li s-suq intern jista’ jopera b’mod effettiv biss jekk l-intrapriżi jkunu kompetittivi u jekk joħloq vantaġġi soċjali għaċ-ċittadini tal-UE;

11.

jiddispjaċih li l-parti tal-Komunikazzjoni dwar it-tkabbir tal-intrapriżi tidher li tikkunsidra biss l-intrapriżi privati, għalkemm it-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku hija wkoll ta’ importanza kbira għall-ekonomja soċjali. Kemm is-sitwazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll il-qagħda tal-iżvilupp tal-intrapriżi lokali għandhom jitqiesu fil-miżuri maħsuba;

12.

jikkunsidra li s-servizzi jikkostitwixxu settur kruċjali għall-irkupru ekonomiku tal-UE Ewropea u jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-impjiegi kollha u tal-ħolqien nett tal-impjiegi kollha fis-suq uniku;

13.

jenfasizza li d-Direttiva dwar is-Servizzi taqdi rwol fit-twettiq tas-suq uniku iżda bosta Stati Membri qed isibuha diffiċli biex jimplimentawha, u jitlob lill-Kummissjoni tissokta bil-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka billi tinvolvi mill-qrib lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-organizzaturi u l-provvedituri ta’ servizzi ewlenin, qabel ma tfassal kwalunkwe miżura leġislattiva ġdida f’dan ir-rigward;

14.

ifakkar fir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-kmamar fl-introduzzjoni ta’ “one-stop shops” li huma parti essenzjali tad-Direttiva dwar is-Servizzi biex il-provvedituri jkunu jistgħu jiksbu l-informazzjoni kollha pertinenti u jwettqu l-proċeduri kollha minn punt ta’aċċess uniku;

15.

jitlob lill-Kummissjoni biex hija u tipproċedi tagħti prijorità lit-twettiq tal-analiżi fuq skala kbira dwar il-konsegwenzi tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi f’termini ta’ kwalità tas-servizz u l-impjieg, is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-livell ta’ kwalifiki tal-persunal, il-prezz, il-koeżjoni territorjali u l-aċċessibbiltà, u biex tipproponi pjan ta’ azzjoni bbażat fuq il-konklużjonijiet ta’ din l-analiżi fir-rigward tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

16.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni bil-għan li tistabbilixxi Statut għall-Fondazzjonijiet Ewropej fid-dawl tar-rwol partikolari li jaqdu l-fondazzjonijiet fl-implimentazzjoni effettiva ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna;

17.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed timpenja ruħha biex tqis b’mod partikolari l-bżonnijiet tal-SMEs li jixprunaw it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll tad-diversifikazzjoni tal-impjiegi; madankollu, iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istrumenti ta’ stimolu għall-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda speċjalment dawk innovattivi u ta’ bażi teknoloġika, u l-istrumenti ta’ finanzjament għall-SMEs u tiżgura li l-mekkaniżmu ta’ garanzija taħt il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni jinżamm tul il-perjodu attwali ta’ finanzjament;

18.

jinsisti li l-objettiv ta’ tnaqqis tal-piż burokratiku ma jkunx ta’ benefiċċju biss għall-intrapriżi iżda wkoll għall-awtoritajiet lokali u reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis bis-sħiħ dan l-objettiv fit-tfassil tal-proposti leġislattivi tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, il-proċeduri dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet, b’konformità mal-prinċipji tal-libertà amministrattiva tal-awtoritajiet lokali, tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà; jappella lill-KtR biex fir-risposta tiegħu għall-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku jressaq proposti dwar is-semplifikazzjoni amministrattiva tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku;

19.

jifraħ lill-Kummissjoni għall-inizjattivi tagħha bil-għan li jkun hemm regolamentazzjoni aħjar u tnaqqis fil-piż burokratiku fuq l-intrapriżi, b’mod partikolari permezz tal-ħidma tal-grupp ta’ livell għoli, ippresedut mis-Sur Stoiber, li fih kien involut il-KtR. Madankollu, jinnota li r-regolamentazzjoni aħjar mhux bilfors tfisser id-deregolamentazzjoni u li din il-ħidma m’għandhiex tissostitwixxi l-proċess demokratiku;

20.

jitlob li l-valutazzjoni tas-Small Business Act titwettaq billi jiġu involuti mill-qrib l-operaturi ekonomiċi, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġu enfasizzati l-aħjar prattiki żviluppati fil-livell lokali u reġjonali; jirrakkomanda li, bl-appoġġ tagħhom, jitfassal pjan direzzjonali globali, kif ukoll skeda ta’ żmien preċiża u mezzi li għandhom jintużaw biex tiġi garantita l-implimentazzjoni effettiva tas-Small Business Act, minkejja n-natura legali mhux vinkolanti tiegħu, b’konformità mal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza l-importanza li jiġi introdott statut tal-kumpaniji privati Ewropej għall-integrazzjoni konkreta tal-SMEs fis-suq intern;

21.

jitlob lill-Kummissjoni biex timpenja ruħha bis-sħiħ fil-qasam tat-taxxa tal-UE li hija element fundamentali għal approċċ globali tas-suq uniku u għat-tkomplija tal-kostruzzjoni tal-UE, b’mod partikolari billi tiċċara l-qafas applikabbli fir-rigward tal-VAT u billi tipproponi l-implimentazzjoni ta’ bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (CCCTB) biex tiġi ssemplifikata l-ħajja tal-intrapriżi; f’dan il-kuntest; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta dwar dan is-suġġett fit-tieni nofs tal-2011;

22.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija fattur ewlieni għal suq intern li jaħdem bla xkiel. Il-protezzjoni effettiva tal-proprjetà intellettwali tistimola l-innovazzjoni u l-kreattività, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija globali dwar il-proprjetà intellettwali li għandha tiggarantixxi tixrid fuq skala kbira kemm jista’ jkun tax-xogħlijiet u tal-għarfien, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet leġittimi ta’ min ikun ħoloqhom. F’dan il-kuntest, interessanti li titqies , pereżempju, is-sistema tal-Creative Commons, u s-sistema ta’ liċenzji assoċjata magħha li qed tikseb importanza dejjem ikbar fil-qasam diġitali u kreattiv;

23.

jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea talli f’Diċembru 2010 ppreżentat proposta li wittiet it-triq għal kooperazzjoni msaħħa bejn l-akbar għadd ta’ Stati Membri possibbli bil-għan li tinħoloq privattiva unitarja fl-UE. Din is-sistema unika ta’ protezzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu dan joħolqu privattiva li tinkiseb fuq talba u li tkun valida fl-Istati parteċipanti; bi pjaċir jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2011 li tawtorizza t-tnedija ta’ kooperazzjoni msaħħa f’dan il-qasam;

24.

jenfasizza l-importanza li jiġi stabbilit gradwalment suq uniku ekoloġiku għat-teknoloġiji, is-servizzi u l-prodotti emerġenti ambjentali u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, billi jiġu żviluppati standards għall-UE kollha dwar l-emissjonijiet tal-karbonju; jinsisti li l-istandards u t-tikkettar ċar fuq il-prodotti li għandhom prestazzjoni enerġetika tajba għandhom isiru obbligatorji bil-mod il-mod fl-Unjoni kollha. Fil-kuntest tat-tfassil ta’ dawn ir-regoli ġenerali Ewropej jeħtieġ li titqies iż-żieda fl-ispejjeż li dawn jistgħu jinvolvu għall-SMEs;

25.

jinsisti li l-proposti tal-Kummissjoni dwar it-trasport, b’mod partikolari l-White Paper li jmiss dwar il-politika tat-trasport, ma jkunux limitati għat-tneħħija tal-ostakli li għad fadal bejn il-mezzi u s-sistemi ta’ trasport nazzjonali. Jeħtieġ li dawn jinkludu objettiv ambjentali, il-kwistjoni tal-aċċessibbiltà u tan-nuqqasijiet fit-territorju kollu, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni fiż-żoni l-aktar imbiegħda, fejn il-konnessjoni maż-żoni ċentrali Ewropej u l-interoperabbiltà u l-integrazzjoni tan-netwerks tagħhom fin-netwerk Ewropew huma fundamentali għall-ħolqien ta’ suq uniku reali u effettiv. B’mod partikolari, hemm bżonn li nippromovu innovazzjonijiet ta’ trasport intelliġenti ġodda bl-użu tat-teknoloġija diġitali, skemi pilota relatati u l-introduzzjoni b’mod mifrux tar-riżultati;

26.

jenfasizza li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-infrastrutturi trans-Ewropej huma frott il-politiki u l-pjani ta’ tagħmir imwettqa fl-oqfsa nazzjonali tal-Istati Membri u, għalhekk, għadhom limitati wisq minħabba r-referenza għall-qafas ġeografiku nazzjonali;

27.

jemmen li huwa ferm importanti li jitnieda self obbligatorju Ewropew għall-proġetti (project bonds), sabiex jiġu ffinanzjati xogħlijiet kbar u li jkollhom effetti ekonomiċi fil-perjodu l-medju u fit-tul. Dan il-mekkaniżmu jista’ jsaħħaħ il-viżibbiltà tal-interventi tal-UE, iżda l-iktar l-effikaċja tagħha. Jista’ jkollu effett ta’ lieva pożittiv immens fuq id-dinamika tas-suq intern u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-koeżjoni territorjali;

28.

madankollu, jenfasizza li s-self obbligatorju Ewropew għall-proġetti (project bonds) għandu jikkomplementa r-rwol tal-fondi strutturali, u mhux jiħdilhom posthom;

29.

jixtieq jistieden lill-Kummissjoni biex ma ddumx ma tippreżenta proposti rigward il-mod li bih ser ikun possibli jitwaqqfu netwerks ta’ distribuzzjoni tal-enerġija interkonnessi fil-livell tal-UE, sabiex b’hekk tkun żgurata provvista tal-enerġija affidabbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE; il-Kumitat jixtieq li dawn il-proposti jkopru r-reġjuni ġeografikament żvantaġġati tal-UE, pereżempju l-gżejjer u r-reġjuni muntanjużi;

30.

jitlob li ssir analiżi aktar bir-reqqa tal-idea tal-Eurobonds li, permezz ta’ qsim parzjali tad-dejn pubbliku, tippermetti lill-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro jibbenefikaw minn rati ta’ interess li jkunu qrib ta’ dawk li attwalment għandhom l-aqwa prestazzjoni, tillimita l-ispekulazzjoni fir-rigward tas-self nazzjonali u twassal għal qabża kwalitattiva fil-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji;

31.

iqis li l-proposti relatati mal-kummerċ elettroniku u l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi onlajn għandhom jintegraw il-kwistjoni tal-aċċess b’veloċità għolja u għolja ħafna u dik tal-finanzjament tal-infrastrutturi fit-territorju kollu tal-UE. Għandha tingħata attenzjoni partikolari li jiġu koperti r-reġjuni ġeografikament żvantaġġati, li l-iżvilupp ekonomiku tagħhom għandu jibbenefika b’mod konsiderevoli mill-iżvilupp ta’ dawn in-netwerks;

32.

ifakkar li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandha potenzjal kbir ta’ effikaċja għall-benefiċċju taċ-ċittadini; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala deċiżjoni organizzattiva interna li mhijiex koperta mil-liġi dwar l-akkwist pubbliku, b’konformità mal-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

33.

jafferma li, b’mod partikolari għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, id-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar is-swieq pubbliċi huma ta’ importanza kbira; jiddispjaċih li l-komunikazzjoni interpretattiva dwar is-swieq pubbliċi li ma jilħqux il-limitu sfortunatament toħroġ fid-dieher nuqqas ta’ sensitivittà min-naħa tal-Kummissjoni għall-interessi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan ir-rigward; jinsisti li, fil-kuntest ta’ diskussjonijiet futuri dwar din il-kwistjoni, jinstabu soluzzjonijiet li jiżguraw is-sigurtà legali fl-interess tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-akbar trasparenza u semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-għażla u tal-għoti, partikolarment meta l-awtoritajiet tal-għoti jkollhom il-ħsieb li jużaw il-possibbiltà li jillimitaw l-għadd ta’ kandidati li jiġu mistiedna li jressqu offerta;

34.

iqis li jeħtieġ li tissaħħaħ id-dimensjoni esterna tas-suq uniku fuq il-bażi tal-prinċipju tar-reċiproċità, biex din tkun il-bażi biex tiġi ffaċċjata l-globalizzazzjoni u l-intrapriżi jitħejjew għall-kompetizzjoni internazzjonali; f’dan ir-rigward, jappoġġja kull inizjattiva tal-Kummissjoni intiża biex tarmonizza l-istandards internazzjonali mal-istandards tal-UE, b’mod partikolari dawk soċjali u ambjentali, u li mingħajr din l-armonizzazzjoni dawn l-istandards jistgħu jitqiesu li jwasslu għal nuqqas ta’ kompetittività għall-ekonomija tal-UE;

35.

jitlob li fil-liġi Komunitarja jiġu riflessi l-impenji li daħlet għalihom l-UE fir-rigward tal-aċċess għas-swieq fil-qafas tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi. Din it-traspożizzjoni tagħti ċarezza u sigurtà legali indispensabbli lill-awtoritajiet kontraenti;

36.

ifakkar li s-suq uniku joffri potenzjal f’termini ta’ impjiegi, tkabbir u kompetittività – b’mod partikolari fir-rigward tal-kummerċ tas-servizzi – u li, biex isir l-aħjar użu possibbli minn dan il-potenzjal, jeħtieġ li jiġu implimentati politiki strutturali ta’ appoġġ b’saħħithom. Jinsisti bis-saħħa biex din id-dimensjoni tiġi integrata malajr fl-att għall-irkupru tas-suq uniku billi tissejjes fuq politika ta’ koeżjoni msaħħa li tkun ukoll politika ta’ appoġġ għall-kompetittività tal-UE. Hija l-effett indispensabbli tas-suq uniku, l-istrument ta’ konverġenza pożittiva tal-istandards tal-ħajja u għodda essenzjali biex l-istrateġija ta’ żvilupp tat-territorji tintrabat mal-prijoritajiet politiċi definiti fl-Istrateġija Ewropa 2020;

37.

jenfasizza l-importanza tal-industrija tal-ekonomija tal-UE li waħedha tirrappreżenta 85 % tan-nefqa fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp tal-intrapriżi u l-mutur ewlieni tat-talba għas-servizzi; jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ dan fil-proposta finali tagħha għal Att dwar is-suq uniku u li jorbotha b’mod adatt mal-inizjattiva ewlenija dwar il-politika industrijali fl-era tal-globalizzazzjoni;

38.

iqis ukoll li l-politika tal-kompetizzjoni taqdi rwol deċiżiv fil-kapaċità tal-intrapriżi tal-UE biex jiffaċċjaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni, pereżempju fir-rigward ta’ fużjonijiet u konċentrazzjonijiet, ta’ kooperazzjoni bejn l-intrapriżi, ta’ trasferiment tan-know-how u tat-teknoloġija, ta’ għajnuna għall-esportazzjoni u għall-innovazzjoni, jew inkella fir-rigward ta’ piż burokratiku u amministrattiv fuq l-SMEs. Jiddispjaċih għall-fatt li l-Komunikazzjoni ma tirreferix għall-politika ta’ kompetizzjoni u li ma nħolqot l-ebda rabta bejn l-objettivi tal-politika ta’ kompetizzjoni u l-Att dwar is-Suq Uniku. Jinsisti li hemm bżonn ta’ politika ta’ kompetizzjoni li tkun għas-servizz ta’ ekonomija soċjali ta’ suq kompetittiva ħafna;

39.

huwa tal-fehma li l-benefiċċji tas-suq intern mhumiex mqassma b’mod ugwali fost ir-reġjuni differenti tal-Ewropa. L-aktar li huma milquta huma r-reġjuni l-aktar imbiegħda li, minħabba l-limitazzjonijiet kbar li għandhom, isibuha iktar diffiċli biex igawdu minn dawn il-benefiċċji. Għaldaqstant, iwissi biex tingħata attenzjoni ħalli t-tfassil tal-politiki Ewropej marbutin mas-suq intern jiġu adattati fuq il-bażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, l-aktar fir-rigward tal-provvista tas-servizzi ta’ interess ġenerali u l-kjarifika tal-qafas applikabbli tal-VAT;

L-Ewropej fil-qalba tas-suq uniku

40.

jiddispjaċih li din il-parti tal-Komunikazzjoni mhijiex adattata biżżejjed għall-preokkupazzjonijiet ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE fit-territorji tagħhom (l-impjieg, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, it-trasport...) u jilmenta li l-Kummissjoni Ewropea mhix qed tisfrutta l-iżviluppi kollha tat-Trattat ta’ Lisbona;

41.

iqis li l-mudell Ewropew, u b’mod partikolari d-dimensjoni soċjali ta’ dan il-mudell, huwa sors ta’ kompetittività fil-perjodu fit-tul: il-mobilizzazzjoni ta’ ħaddiema kkwalifikati, immotivati u b’saħħithom kif ukoll ta’ intraprendituri, min iħaddem u riċerkaturi kulma jmur ser issir l-element prinċipali għal kompetittività fit-tul ibbażata fuq l-innovazzjoni u l-kwalità;

42.

jagħraf l-importanza kruċjali tal-edukazzjoni u l-kwalifikigħall-ħolqien kapaċi jiġġeneraw it-tkabbir, tal-impjiegi u l-integrazzjoni soċjali li huma prerekwiżiti għas-suċċess tas-suq intern;

43.

jappoġġja l-proposta li jitfassal qafas ta’ kwalità għall-apprendistati li jista’ jkun element deċiżiv biex iż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol u għall-mobbiltà fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa. Dan il-qafas, imfassal bl-appoġġ tal-imsieħba soċjali, għandu jikkonsisti minn għadd minimu ta’ drittijiet u obbligi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali u għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-rimunerazzjoni, jew forom oħra ta’ kumpens għal min ikun qed jitħarreġ skont id-dħul fl-Istati Membri rispettivi;

44.

iqis li huwa indispensabbli li jiġu promossi l-għaqdiet u l-għarfien tal-kwalifiki bejn l-Istati Membri mingħajr ma jinħoloq mudell Ewropew uniku għall-edukazzjoni; madankollu, huwa tal-fehma li l-objettiv tal-Kummissjoni Ewropea li taġġorna d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali (Direttiva 2005/36/KE) għandu jiġi implimentat biss wara li ssir evalwazzjoni fil-fond tas-sistema attwali. L-għan għandu jkun li jiġu ssemplifikati r-regoli eżistenti u li l-professjonijiet jiġu integrati aktar fis-suq uniku;

45.

f’dan il-kuntest, ifakkar li l-kompetizzjoni dinjija u l-orjentazzjoni lejn ekonomiji bbażati fuq l-għarfien u s-servizzi joħolqu sfidi ġodda għall-iżvilupp tal-ħiliet u l-edukazzjoni. Impjiegi b’livelli baxxi ta’ kwalifiki u b’pagi baxxi m’għandhomx joħolqu grupp ġdid ta “fqar li jaħdmu”. Għalhekk jeħtieġ li s-servizzi soċjali jiffukaw b’mod partikolari fuq l-assistenza lill-persuni kkonċernati permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ, pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għal kullħadd, u dispożizzjonijiet biex tiżdied il-mobbiltà soċjali;

46.

jenfasizza li hemm bżonn assolut li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-missjonijiet tas-servizz pubbliku. L-importanza mogħtija lis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali, bħala prodotti pubbliċi, hija għodda importanti għas-suċċess ta’ ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna; ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol strateġiku fil-promozzjoni tat-tkabbir Ewropew, b’mod partikolari permezz tas-settur pubbliku sottonazzjonali li jirrappreżenta 17,2 % tal-PDG tal-UE u EUR 221 biljun ta’ investiment u li għalhekk l-iżvilupp ta’ servizzi bħal dawn għandu jiġi appoġġjat mill-Unjoni Ewropea;

47.

ifakkar li l-Protokoll dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, kif ukoll l-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħrfu kemm l-ispeċifiċità u d-diversità tas-servizzi ta’ interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali (SSIĠ) u l-kompetenza prijoritarja tal-Istati Membri fir-rigward tal-provvista, l-eżekuzzjoni u l-organizzazzjoni ta’ dawn is-servizzi; madankollu, jenfasizza li l-marġni wiesa’ ta’ flessibbiltà li għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, li biex jiġi implimentat jeħtieġ bażi legali derivata li tiddefinixxi l-interazzjonijiet mal-politiki l-oħra Ewropej; f’dan ir-rigward, jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma ħaditx inizjattiva skont l-Artikolu 14 tat-TFUE, u li b’hekk ħalliet il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea toħroġ il-pożizzjoni tagħha dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu ċċarati min-naħa tal-leġislatur, b’konformità mal-prinċipju tar-responsabbiltà demokratika;

48.

ifakkar li l-liġi tal-UE tinfluwenza b’diversi modi s-sistemi nazzjonali tal-prestazzjoni tas-servizzi soċjali. Fil-passat rajna li bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet legali dwar l-akkwist pubbliku, il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat l-UE kellha impatt qawwi fuq l-organizzazzjoni tas-servizzi Komunitarji ta’ interess ġenerali, però ma ġiet assigurata l-ebda ċertezza legali ġenwina għall-provvedituri u għal dawk li jibbenefikaw minn dawn is-servizzi;

49.

ifakkar li t-Tielet Forum dwar is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali, organizzat mill-Presidenza Belġjana tal-UE, ressaq 25 proposta konkreta biex il-liġi Komunitarja tiġi adattata skont l-ispeċifiċitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ finanzjament ta’ dawn is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali b’mod partikolari fir-rigward tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u d-dispożizzjonijiet tas-sistema tal-kuntratti. Huwa jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tadotta dawn il-proposti, b’mod partikolari fil-qafas tar-reviżjoni tal-pakkett Monti-Kroes u bil-għan li tiġi ssemplifikata l-liġi Komunitarja applikabbli fid-dawl tal-fatt li s-servizzi tagħha huma ta’ natura essenzjalment lokali u tad-densità qawwija tan-nisġa tal-atturi li huma nkarigati li jippromovuhom lokalment u qalb il-popolazzjoni lokali;

50.

jiddispjaċih li l-Att dwar is-Suq Uniku ma jagħmel l-ebda referenza għall-Att dwar l- assoċjazzjonijiet Ewropej li madankollu huma atturi soċjoekonomiċi kruċjali, b’mod partikolari fil-qasam tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali;

51.

jenfasizza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, il-konċessjonijiet tas-servizzi mhumiex koperti mid-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, iżda għandhom jirrispettaw il-prinċipji ġenerali tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, il-prinċipju tat-trattament ugwali u t-trasparenza) u li l-awtoritajiet kontraenti pubbliċi għandu jkollhom id-dritt li jiżguraw l-għoti ta’ servizzi permezz ta’ konċessjoni, jekk huma jqisu li dan ikun l-aħjar metodu biex jiġi żgurat is-servizz ta’ interess ġenerali kkonċernat u li r-riskju marbut ma’ operazzjoni ta’ dan it-tip – li jkun limitat ukoll – jiġi ttrasferit kollu kemm hu (1). Għaldaqstant, jemmen li din il-każistika toffri l-bażi meħtieġa biex tiġi konsolidata liġi li żżomm l-istatus quo; huwa kontra proċedura unika għall-akkwist ta’ dawn il-konċessjonijiet li tostakola l-libertà ta’ organizzazzjoni u ta’ amministrazzjoni tal-awtoritajiet lokali b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tar-rekwiżit Komunitarju ta’ pubblikazzjoni minn qabel;

52.

jikkunsidra li l-moviment ħieles tal-ħaddiema u tas-servizzi m’għandux iwassal għad-dumping soċjali. L-erba’ libertajiet tas-suq uniku għandhom jintrabtu mal-klawżola soċjali orizzontali introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona (Artikolu 9 tat-TFUE);

53.

jitlob lill-Kummissjoni tipproċedi mingħajr dewmien bl-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew u b’konformità mal-proposta nru 29 tal-Att dwar is-Suq Uniku, li tipproċedi għall-analiżi minn qabel u bir-reqqa tal-impatt soċjali tal-proposti kollha ta’ leġislazzjoni dwar is-suq uniku; isostni li huwa lest jgħin lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-għarfien espert territorjali f’dawn il-valutazzjonijiet ta’ impatt, b’mod partikolari permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Istrateġija Ewropa 2020 u n-netwerk tiegħu tas-sussidjarjetà;

54.

jinnota li l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni attwali tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema toħloq problemi rigward ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipju tal-moviment ħieles tal-ħaddiema; jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li s-servizzi tal-Kummissjoni ħadmu flimkien mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali bħala osservaturi, fi grupp ta’ esperti ta’ livell għoli dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva li fih qed jiġu studjati d-diffikultajiet attwali, iqis li r-reviżjoni tad-direttiva trid tagħti kas il-konklużjonijiet ta’ dan il-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli u tiċċara l-livell ta’ protezzjoni meqjus adatt u l-flessibbiltà li għandha tingħata lill-imsieħba soċjali u l-Istati Membri fil-każ ta’ mobbiltà temporanja tal-ħaddiema;

L-għodod għal governanza tajba tas-suq uniku

55.

jiddeplora sew il-fatt li hemm differenza bejn l-objettiv ta’ governanza tajba u l-miżuri proposti. Ħidma kollettiva maħsuba biex issaħħaħ is-suq intern għandha ovvjament tqis ir-rapporti bejn il-livell lokali u reġjonali u ma tiffukax l-aktar fuq ir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali u tal-UE;

56.

jenfasizza li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ambitu tas-Suq Uniku għandu żewġ lati: bis-saħħa tas-setgħat, il-kompetenzi u l-politiki tagħhom l-awtoritajiet jaqdu qabel kollox rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tas-Suq Uniku. Imbagħad, bis-saħħa tas-servizzi differenti li joffru lill-popolazzjoni jaħdmu qrib iċ-ċittadini tal-UE. Għaldaqstant, jistgħu jidentifikaw in-nuqqas ta’ ftehim li joħloq is-Suq Uniku u jwasslu l-istennijiet taċ-ċittadini. Għalhekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali m’għandhomx jiġu kkunsidrati biss bħala mezz ta’ trażmissjoni minn fuq għal isfel (l-implimentazzjoni tas-suq uniku). Huma għandhom jaqdu wkoll rwol ta’ mezz ta’ trażmissjoni minn isfel għal fuq (iwasslu l-istennijiet taċ-ċittadini) biex jikkontribwixxu għad-definizzjoni tal-bilanċ tas-suq uniku u jiggarantixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Dan japplika għad-definizzjoni tal-istrateġija globali għat-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku u ser ikun applikabbli wkoll għall-analiżi li jmiss ta’ kull waħda mill-50 proposta li l-Kummissjoni beħsiebha tippreżenta;

57.

jemmen li l-iżvilupp tal-Att dwar is-Suq Uniku jikkostitwixxi żona politika adatta għall-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli minħabba d-diversità ta’ atturi minn livelli differenti ta’ governanza involuti u d-diversità ta’ strumenti regolatorji;

58.

jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fir-rieda tagħha li testendi l-proċess ta’ valutazzjoni reċiproka tad-Direttiva dwar is-Servizzi biex jinkludi leġislazzjonijiet ewlenin oħra tas-suq uniku billi tispeċifika li, biex ikun effikaċi, dan għandu jiġi estiż b’mod sistematiku għall-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-setturi li jikkonċernawhom, biex isir proċess multilaterali; jirrakkomanda li dan il-proċess jiġi estiż b’mod prijoritarju għal kull inizjattiva tal-Kummissjoni relatata mas-swieq pubbliċi, il-konċessjonijiet tas-servizzi, is-servizzi ta’ interess ġenerali, l-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-mobbiltà tal-ħaddiema;

59.

jipproponi li jiġu organizzati forums territorjali tas-suq intern ibbażati fuq il-bżonnijiet essenzjali tal-Ewropej u fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess tagħhom fit-territorji tagħhom, għas-servizzi li jolqtu l-preokkupazzjonijiet essenzjali tagħhom: l-impjiegi, it-taħriġ, l-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, it-trasport, is-saħħa eċċ.;

60.

jikkunsidra li r-REKT għandhom jgħinu lil xulxin b’mod partikolari għall-esperimentazzjoni transkonfinali ta’ prattiki innovattivi fil-qasam tas-suq intern u tas-sodisfazzjon tal-bżonnijiet essenzjali tal-Ewropej;

61.

ifakkar li l-għodod informali tar-riżoluzzjoni ta’ kunflitti, b’mod partikolari n-netwerk Solvit, għadhom mhux magħrufa biżżejjed mal-intrapriżi u ċ-ċittadini. Għaldaqstant, jeħtieġ li titnieda kampanja ta’ komunikazzjoni strutturata biex l-SMEs u ċ-ċittadini jiġu infurmati dwar dawn il-mekkaniżmi u s-soluzzjonijiet barra mill-qorti li joffru u jeħtieġ li jingħataw riżorsi u persunal addizzjonali;

62.

jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha biex jidħlu fis-sistema ta’ informazzjoni dwar is-suq intern li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi toffri spazju ta’ kollaborazzjoni u ta’ skambju bejn awtoritajiet minn Stati Membri differenti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi l-applikazzjonijiet ta’ din is-sistema lil hinn mid-Direttiva dwar is-Servizzi u mid-Direttiva dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali;

II.   KONKLUŻJONIJIET

Lejn Patt biex jingħelbu l-isfidi strateġiċi ewlenin attwali

63.

iqis li fid-dawl tan-natura strateġika tal-isfidi attwali jeħtieġ li mmorru lil hinn mill-proposti tal-Kummissjoni u, kif issuġġerixxa Mario Monti fir-rapport tiegħu lill-President Barroso, li jinħoloq patt ġenwin bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji kollha, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom, l-Ewropej u l-intrapriżi bil-għan li flimkien jikkostitwixxu ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna li tkun tista’ tagħti risposti sostenibbli;

64.

jissuġġerixxi li dan il-patt jissejjes abbażi tal-prinċipji ta’ bilanċ stabbiliti mit-Trattati bejn l-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet fundamentali tas-suq uniku, il-garanzija tad-drittijiet fundamentali tal-Ewropej, ir-rispett tal-prinċipji ta’ koeżjoni u ta’ solidarjetà bejn il-poplu Ewropew u ta’ twettiq tajjeb tal-missjonijiet imposti mill-awtoritajiet pubbliċi inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fuq is-servizzi ta’ interess ġenerali biex jiggarantixxu l-aċċess għal kulħadd għal servizzi essenzjali;

65.

iqis li ċ-ċarezza ta’ dan il-patt għall-Ewropej u l-SMEs hija neċessità u li din għandha twassal lill-Kummissjoni biex, fil-pakkett tagħha ta’ 50 proposta, tiddefinixxi għadd limitat ta’ azzjonijiet ewlenin b’mod li tkabbar il-viżibbiltà tagħhom fost l-Ewropej u l-SMEs, b’mod partikolari f’termini ta’ impatti reali fuq il-kundizzjonijiet tagħhom fil-ħajja u x-xogħol ta’ kuljum, fit-territorju tagħhom u fil-qasam ta’ attività tagħhom;

66.

jipproponi li dawn l-inizjattivi ewlenin jkunu s-suġġett ta’ segwitu speċifiku f’termini ta’ implimentazzjoni u impatt reali fuq il-ħajja tal-Ewropej u l-SMEs u ta’ azzjoni ta’ komunikazzjoni għall-pubbliku inġenerali li hija meħtieġa għaċ-ċarezza tal-patt u tal-linji gwidi ewlenin tiegħu għall-implimentazzjoni;

67.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tagħti aktar ċarezza b’mod partikolari biex terġa’ tinbet il-fiduċja tal-Ewropej billi, fuq il-bażi tal-iżviluppi tat-Trattat ta’ Lisbona, fi ħdan l-ewwel pakkett ta’ miżuri tiġbor il-proposti kollha relatati mal-aċċess għas-servizzi essenzjali – waħda mill-preokkupazzjonijiet ta’ kuljum tal-Ewropej; għalhekk, jirrakkomanda li l-proposti marbuta mal-implimentazzjoni tal-Karta tad-drittijiet fundamentali (nru 29), mar-riforma tas-sistemi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, u l-ħolqien ta’ “passaport Ewropew tal-ħiliet” (nru 33 u nru 35), mat-titjib tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema (nru 30), mas-semplifikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u s-Servizzi ta’ Interess Ġenerali (nru 17 u nru 25), mal-intraprendenza soċjali (nru 36), mat-tnaqqis tal-ostakli fiskali li għadhom jaffrontaw iċ-ċittadini Ewropej (nru 42) u mal-aċċess għas-servizzi bankarji bażiċi (nru 40) jiġu integrati fl-ewwel pakkett ta’ miżuri;

68.

jipproponi li, flimkien mal-patt applikabbli għall-partijiet kollha msemmija hawn fuq, jiġu stabbiliti patti territorjali fejn, permezz ta’ approċċ reġjonali flessibbli, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffukaw l-attivitajiet u l-fondi tagħhom fuq l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattivi ewlenin. Hemm bżonn ta’ enfasi partikolari fuq proġetti li jippromovu l-innovazzjonijiet soċjali fir-reġjun ikkonċernat u li jkollhom l-akbar impatt possibbli fuq is-soċjetà. L-użu tal-patti territorjali u l-kontenut ta’ dawn il-patti huma parti mill-kriterji għall-allokazzjoni tal-fondi tal-UE għall-proġetti;

69.

jemmen li l-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE, għandha twettaq analiżi komplementari u realistika li tikkunsidra l-iżvantaġġi u d-diffikultajiet li jiffaċċjaw ir-reġjuni l-aktar imbiegħda huma u jipparteċipaw fis-suq intern Ewropew u jippruvaw jibbenefikaw mill-vantaġġi li joffri, kif ukoll huma u jippruvaw jilħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020.

Brussell, 1 ta’ April 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Settembru 2010, Kawża C-206/08, punti 72 sa 75.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Id-89 sessjoni plenarja fil-31 ta' Marzu u l-1 ta' April 2011

7.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 166/59


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Impjiegi staġonali u trasferimenti intraażjendali”

2011/C 166/10

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jenfasizza li ċ-ċertezza legali, il-legalità u t-trattament ġust u ugwali tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi jridu jiġu żgurati fl-UE;

jenfasizza li l-migrazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-iżvilupp u jinnota li l-emigrazzjoni ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati m’għandux ikollha impatt ekonomiku negattiv (“brain drain”) fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għaldaqstant, jilqa’ l-fatt li d-direttivi jippromovu l-migrazzjoni ċirkolari, b’mod li jista’ jservi ta’ kontribut pożittiv kemm għas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri kif ukoll għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini;

jieħu nota b’interess tal-proċeduri ta’ skrutinju tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward ta’ kemm il-proposti kif ukoll tal-fehmiet u l-argumenti espressi fihom; jikkunsidra, abbażi tal-analiżi tiegħu stess, li ż-żewġ proposti huma kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza li l-valur miżjud tal-leġislazzjoni tal-UE għandu jinsab prinċipalment fil-kapaċità tagħha li ma tħallix lis-sistemi nazzjonali jimpenjaw ruħhom f’ġirja lejn l-iktar livell baxx ta’ protezzjoni;

jisħaq fuq l-importanza tad-dritt tal-Istati Membri skont it-Trattat li jiddeterminaw l-ammonti ta’ ammissjonijiet, filwaqt li jenfasizza li l-Istati Membri jridu jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-deċiżjoni dwar l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu ammessi fit-territorju tagħhom, u dwar il-profili ta’ impjieg tagħhom;

iwissi li ż-żewġ direttivi għandhom jiġu implimentati b’tali mod li jirrispettaw il-prinċipju tal-preferenza Komunitarja;

madankollu, huwa konvint li x-xogħol staġonali u t-trasferimenti intraażjendali jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-irkupru ta’ wħud mis-setturi ekonomiċi u produttivi fl-Ewropa.

Relatur

Is-Sur Graziano Ernesto MILIA (IT/PSE), President tal-Provinċja ta’ Cagliari

Dokumenti ta’ referenza

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali –

COM(2010) 378 finali

u

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-iskop ta’ impjieg staġonali –

COM(2010) 379 finali

I.   KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ ż-żewġ proposti għal direttiva mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza tal-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi u dwar it-trasferimenti intraażjendali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi; madankollu, jenfasizza li ż-żewġ proposti għandhom jitqiesu fid-dawl tad-dibattitu li għaddej bħalissa dwar il-migrazzjoni legali fl-UE u li huwa vitali li din il-politika tadotta approċċ konsistenti – li jkopri wkoll l-aspetti soċjali tal-kwistjoni – sabiex toħloq ċertezza legali u tiżgura trattament ugwali u konformità mad-drittijiet fundamentali;

2.

jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu miġġielda l-fenomeni ta’ immigrazzjoni illegali u kull tip ta’ xogħol illegali u ta’ sfruttament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi madwar l-UE. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li huwa fundamentali li jiġi żgurat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu fl-UE b’mod legali jkollhom kundizzjonjiet tax-xogħol u tar-residenza konformi mad-drittijiet fundamentali u mal-esiġenzi stabbiliti permezz tal-liġi u li jiġu ttrattati l-istess bħaċ-ċittadini tal-UE, u li tiġi promossa l-integrazzjoni soċjali tagħhom b’mod kemm jista’ jkun wiesa’ u sħiħ. F’dan ir-rigward, il-Kumitat tar-Reġjuni jitlob ir-rispett assolut u bla kundizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali previsti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u jfakkar li, minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona, din il-Karta għandha valur legali sħiħ, l-istess bħat-Trattati;

3.

jenfasizza li ċ-ċertezza legali (fis-sens ta’ qafas regolatorju ċar) u l-legalità (fis-sens tar-rispett għal-liġi) u t-trattament ġust u ugwali tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi jridu jiġu żgurati fl-UE. ir-reġjuni, l-awtoritajiet intermedji bħall-provinċji, u l-muniċipalitajiet (inklużi ż-żoni rurali) huma l-ewwel li jesperjenzaw l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ flussi ta’ migrazzjoni fiż-żoni tagħhom, kemm regolari kif ukoll irregolari. L-awtoritajiet reġjonali, intermedji u lokali (ARL) huma responsabbli biex jipprovdu lill-individwi b’firxa wiesgħa ta’ servizzi (ospitalità meta jaslu, kura tas-saħħa, edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali, djar, eċċ.) u għaldaqstant ir-rwol tagħhom fil-prattika u fil-ġestjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet għandu jiġi enfasizzat mill-Kummissjoni Ewropea;

4.

jenfasizza li l-entitajiet reġjonali, lokali u intermedji huma atturi fundamentali fl-Istrateġija UE 2020 adottata reċentement sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, tat-tibdil fil-klima u tar-riżorsi tal-enerġija, u b’hekk ukoll dawk tal-politika tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, li, bħalma juru l-proposti leġislattivi inkwistjoni, huma marbuta mill-qrib mat-tema tal-politika tal-immigrazzjoni;

5.

jenfasizza li, minkejja li l-immigrazzjoni legali hija kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri, l-implimentazzjoni tal-politika tal-immigrazzjoni legali hija marbuta mill-qrib ma’ politiki oħrajn, bħal dawk, imsemmijin fil-proposti li qed jiġu eżaminati, dwar ix-xogħol, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, is-sigurtà soċjali, is-servizzi pubbliċi lokali u s-servizzi ta’ interess ġenerali, id-djar u politiki oħrajn li huma ġestiti f’ħafna Stati Membri tal-UE f’livell deċentralizzat mill-ARL. Għalhekk, l-ARL jaqdu rwol importanti fil-ġbir ta’ informazzjoni u data statistika li tintuża tul l-evalwazzjoni tal-leġislazzjoni attwali jew it-tfassil ta’ miżuri ġodda fil-politiki tal-migrazzjoni. B’hekk, ta’ min jenfasizza l-esiġenza ta’ sħubija mill-qrib mal-ARL;

6.

jenfasizza li l-migrazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-iżvilupp u jinnota li l-emigrazzjoni ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati m’għandux ikollha impatt ekonomiku negattiv (“brain drain”) fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għaldaqstant, jilqa’ l-fatt li d-direttivi jippromovu l-migrazzjoni ċirkolari, b’mod li jista’ jservi ta’ kontribut pożittiv kemm għas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri kif ukoll għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta’ oriġini (1);

7.

jirrikonoxxi li l-migrazzjoni ċirkolari tista’ toħloq rabta ta’ valur bejn il-pajjiżi tal-oriġini u l-pajjiżi ospitanti u tista’ sservi biex jiġu promossi d-djalogu, il-kooperazzjoni u l-għarfien reċiproku, u jipproponi li jintużaw l-għodod u l-istrutturi istituzzjonali li diġà jeżistu, bħall-inizjattiva tal-Kumitat tar-Reġjuni – Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM), sabiex jiġu promossi dawn it-tipi ta’ rabtiet;

8.

madankollu, ifakkar li l-migrazzjoni ċirkolari m’għandhiex titqies bħala sostitut għall-migrazzjoni permanenti u għandhom jiġu stabbiliti kanali effettivi li jiffaċilitaw iċ-ċirkolazzjoni u r-ritorn tal-migranti kif ukoll sabiex tiġi evitata l-immigrazzjoni irregolari;

9.

jieħu nota b’interess tal-proċeduri ta’ skrutinju tal-parlamenti nazzjonali fir-rigward ta’ kemm il-proposti kif ukoll tal-fehmiet u l-argumenti espressi fihom; jikkunsidra, abbażi tal-analiżi tiegħu stess, li ż-żewġ proposti huma kompatibbli mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza li l-valur miżjud tal-leġislazzjoni tal-UE għandu jinsab prinċipalment fil-kapaċità tagħha li ma tħallix lis-sistemi nazzjonali jimpenjaw ruħhom f’ġirja lejn l-iktar livell baxx ta’ protezzjoni tal-impjiegi staġjonali u t-trasferimenti intraażjendali;

10.

jaħseb li l-leġislazzjoni dwar it-trasferimenti intraażjendali ta’ ċerti membri ewlenin tal-persunal hija neċessarja fil-livell tal-UE meta wieħed iqis id-diskrepanzi bejn il-leġislazzjonijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-ammissjoni permezz ta’ trasferiment intraażjendali u d-drittijiet ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi, il-ħtieġa li jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ natura transkonfinali u biex jiġi ggarantit twettiq aħjar tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fil-qafas tad-WTO; barra minn hekk, jemmen li leġislazzjoni tal-UE bħal din tista’ tagħmel is-suq tax-xogħol tal-UE iktar attraenti għal migranti bi kwalifiki għolja u għaldaqstant tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-ekonomija tal-UE kollha kemm hi;

11.

jemmen li l-leġislazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema staġonali fil-livell tal-UE hija neċessarja minħabba d-diskrepanzi li jeżistu bejn il-leġislazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-ammissjoni u d-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi bħala ħaddiema staġonali, il-ħtieġa li jiġi assigurat “pakkett” uniformi ta’ drittijiet minimi u l-bżonn li jiġi ggarantit li każi ta’ abbuż kif ukoll l-immigrazzjoni illegali jiġu indirizzati b’mod adatt;

12.

jisħaq fuq l-importanza tad-dritt tal-Istati Membri skont it-Trattat li jiddeterminaw l-ammonti ta’ ammissjonijiet, filwaqt li jenfasizza li, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-governanza f’diversi livelli, l-Istati Membri jridu jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-deċiżjoni dwar l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu ammessi fit-territorju tagħhom, u dwar il-profili ta’ impjieg tagħhom (2);

13.

jappoġġja, wara l-analiżi taż-żewġ proposti fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-għażla tal-istrument legali, direttivi fiż-żewġ każijiet, billi dan jagħti lill-Istati Membri l-ispazju meħtieġ għal diskrezzjoni fir-rigward tal-arranġamenti ta’ implimentazzjoni domestiċi, u biex jiġu kkunsidrati s-sitwazzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru u l-awtoritajiet tiegħu responsabbli għall-implimentazzjoni tad-direttivi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

14.

minkejja dan, jemmen li xi elementi individwali tal-proposti jistgħu jesiġu analiżi iktar mill-qrib b’referenza għall-prinċipju tal-proporzjonalità: fil-fatt id-direttivi m’għandhomx iqiegħdu obbligi mhux proporzjonali fuq individwi li jippruvaw jidħlu fl-UE bħala ħaddiema staġonali jew permezz ta’ trasferiment intraażjendali, jew min iħaddimhom, u lanqas m’għandhom jiġġeneraw spejjeż jew piżijiet mhux meħtieġa għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li huma msejħa jimplimentawhom; fir-rigward tat-tieni kunsiderazzjoni, il-limitu ta’ żmien ta' 30 jum li fih l-awtoritajiet ikollhom jikkunsidraw l-applikazzjonijiet u jiddeċiedu dwar l-ammissjoni jista’ jitqies qasir wisq u jista’ jitfa’ l-awtoritajiet f’għadd ta’ Stat Membri taħt pressjoni amministrattiva u finanzjarja konsiderevoli;

15.

iwissi li ż-żewġ direttivi għandhom jiġu implimentati b’tali mod li jirrispettaw il-prinċipju tal-preferenza Komunitarja, b’mod partikulari fir-rigward ta’ ċittadini tal-Istati Membri l-ġodda li għalihom għadhom japplikaw arranġament transizzjonali; sabiex jintlaħaq dan il-għan, ikun utli li l-Istati Membri u l-awtoritajiet tagħhom jitħallew iwettqu l-hekk imsejħa testijiet dwar is-suq tax-xogħol, jiġifieri li jivverifikaw jekk post jistax jimtela minn persuni li qed ifittxu impjieg fis-suq tax-xogħol tal-UE; f’dan ir-rigward, mhuwiex konvint mill-argumenti mressqa mill-Kummissjoni li l-ebda test tas-suq tax-xogħol mhuwa meħtieġ fil-każ tat-trasferimenti intraażjendali;

16.

jiddispjaċih għad-dewmien konsiderevoli li bih iż-żewġ proposti inkwistjoni, li kienu diġà jagħmlu parti mill-pakkett dwar l-immigrazzjoni legali ta’ Diċembru 2005, tressqu mill-Kummissjoni, kważi ħames snin wara li ttieħed impenn politiku dwar dawn is-suġġetti; jiddispjaċih ukoll għall-fatt li, minħabba d-diffikultajiet fid-diskussjonijiet dwar il-“permess uniku”, iż-żewġ proċessi, li kellhom jimxu b’mod parallel, issa ġew separati. Barra minn hekk, jiddispjaċih għall-fatt li l-proposti tressqu fi żmien meta xi setturi bħall-agrikoltura, it-trobbija tal-annimali u r-ragħa (3), it-turiżmu u s-settur tal-bini, li jinsabu fil-qalba tax-xogħol staġonali, intlaqtu partikularment ħażin mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, kif juru d-data u l-istatistika tal-UE, u qed jirkurpraw bil-mod ħafna. B’hekk, il-qagħda ekonomika nbidlet meta mqabbla mal-2005, is-sena fejn ittieħed impenn politiku dwar dawn is-suġġetti, u għaldaqstant id-data ekonomika u statistika kif ukoll dik relatata mal-impjiegi, jiġifieri d-data dwar l-impatt tax-xogħol staġonali fuq l-ekonomija Ewropea, għandha tiġi aġġornata;

17.

madankollu, huwa konvint li minkejja d-dewmien tal-proposti u l-ħin addizzjonali li ser ikun meħtieġ għall-proċedura leġislattiva tal-UE u, warajha, għall-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali, ix-xogħol staġonali u t-trasferimenti intraażjendali jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-irkupru ta’ wħud mis-setturi ekonomiċi u produttivi;

RAKKOMANDAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IL-PROPOSTI

18.

jilqa’ l-introduzzjoni ta’ proċeduri għal applikazzjoni unika għal ħaddiema staġonali u trasferimenti intraażjendali bħala għodda ta’ semplifikar utli li tiżgura t-trasparenza u ċ-ċertezza fi proċeduri ta’ ammissjoni; madankollu, jaqbel ma’ fehmiet espressi minn uħud fil-Parlament Ewropew li jkun iktar effiċjenti u dirett li kieku l-ħaddiema staġonali u t-trasferimenti intraażjendali jiġu inklużi fl-ambitu tal-hekk imsejħa direttiva dwar “permess uniku” (4); għaldaqstant, isejjaħ lill-koleġislaturi biex ikomplu jinnegozjaw dwar dan il-punt;

19.

jaqbel mal-proposti li l-Istati Membri jirrifjutaw applikazzjonijiet jekk min se jħaddem kien ġie penalizzat f’konformità mal-liġi nazzjonali għal raġunijiet ta’ xogħol mhux iddikjarat u/jew ta’ impjieg illegali; madankollu jinsisti li din il-miżura għandha tkun dissważiva u proporzjonali minflok awtomatika; esklużjoni awtomatika mingħajr ma jitqiesu kemm hi gravi jew in-natura tal-ksur tal-liġi tista’ taffetta lil dawk li qed ifittxu xogħol u li ġejjin minn pajjiżi terzi;

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-PROPOSTA DWAR L-IMPJIEGI STAĠONALI

20.

jenfasizza li sfortunatament, f’ċerti Stati Membri tal-UE l-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi qed ibatu minn sfruttament u minn kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien li ma jirrispettawx l-istandards previsti bil-liġi. Ir-raġuni hija li l-leġislazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-liġi tax-xogħol u s-sigurtà soċjali ħafna drabi mhijiex applikata jew mhijiex infurzata fil-prattika. Għaldaqstant, il-proposta għandha tistabbilixxi qafas legali definit sew li jkun jista’ jgħin fil-ġlieda kontra kull forma ta’ xogħol staġonali illegali u jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi. Għaldaqstant, dan il-qafas regolatorju ġdid ser jesiġi mekkaniżmi ta’ kontroll sabiex jiġu evitati l-abbuż jew l-evażjoni tar-regoli, bħall-kontroll tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-residenza msemmija hawn fuq kif ukoll kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, fil-livell tal-Unjoni Ewropea u f’dak nazzjonali, reġjonali u lokali f’forma ta’ governanza integrata f’diversi livelli. F’dan ir-rigward il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda li l-attività tal-aġenziji tar-reklutaġġ tiġi regolata wkoll b’mod li jiġi assigurat li ma tkunx tista’ tintuża bħala skuża biex isir sfruttament jew abbuż;

21.

ifakkar ir-rwol importanti u l-kompetenzi tal-ARL u tal-KtR fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u t-tkasbir tal-umanità intrinsika tal-ħaddiema staġonali migranti fid-dawl tal-livell għoli ta’ insigurtà u vulnerabbiltà tal-impjieg inerenti fix-xogħol staġonali;

22.

jinsab sodisfatt li ġiet aċċettata l-idea ta’ viża għal iktar minn dħul wieħed li tkun valida għal perjodu twil bħala faċilitatur tal-mobilità ċirkolari, kif kien approvat fl-opinjoni preċedenti tiegħu (5);

23.

jenfasizza li jkun opportun li tittejjeb id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, u b’hekk tas-setturi li jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-proposta, sabiex jiġi evitat l-abbuż tal-permessi staġonali f’setturi li ma jistgħux jitqiesu bħala staġonali skont il-karatteristiċi proprji tax-xogħol staġonali fl-Ewropa u fid-dawl tal-ispirtu u tal-għanijiet ta’ din il-proposta. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-OECD, il-proporzjon tal-immigranti fl-impjiegi temporanji huwa għoli wisq. Il-perċentwali tal-immigranti fix-xogħol temporanju jista’ jaqbeż dak tal-ħaddiema nattivi (ċittadini tal-UE) b’mill-anqas 50 %; għalhekk, huwa opportun li jiġi evitat li jsir abbuż mir-regoli u li x-xogħol staġonali jintuża biex jillegalizza tipi ta’ xogħol ta’ natura differenti u ta’ karattru prekarju;

24.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li d-direttiva se tobbliga lil min iħaddem jipprovdi evidenza li l-ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi se jibbenefikaw minn akkomodazzjoni adegwata u bi prezz mhux għoli żżejjed. Dan huwa rikonoxximent dirett tas-sitwazzjoni partikularment vulnerabbli li jsibu ruħhom fiha ħaddiema staġonali minn pajjiżi terzi. Jinnota li dan id-dritt imur ferm lil hinn mid-drittijiet li jgawdu minnhom il-ħaddiema staġonali li huma ċittadini tal-UE u, għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw jagħtu l-istess trattament liċ-ċittadini tal-UE;

25.

f’dan ir-rigward jinnota li fid-dawl tar-riċerka u l-konsultazzjonijiet li saru mir-relatur, ċertu tipi ta’ xogħol staġonali, pereżempju fl-agrikoltura (b’mod partikulari s-setturi żootekniċi u tal-pjanti u l-fjuri) jew fil-bini fuq skala kbira (siti ta’ inġinerija ċivili u xogħlijiet), jistgħu jinvolvu perjodi ta’ xogħol itwal minn sitt xhur; għalhekk jemmen li t-tul massimu huwa restrittiv u għandu jiġi estiż għal disa’ xhur;

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-PROPOSTA DWAR TRASFERIMENTI INTRAAŻJENDALI

26.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas globali fil-qasam tal-politika tal-immigrazzjoni u biex tibdel, permezz ta’ din il-proposta, l-ekonomija tal-UE f’waħda iktar attraenti għall-ħaddiema bi kwalifiki għolja f’kumpaniji multinazzjonali bbażati f’pajjiżi terzi, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu trasferiti u jaħdmu legalment fis-sede Ewopea tal-kumpanija li tħaddimhom wara li jkun sar it-trasferiment mill-kumpanija tagħhom; f’dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li, minn naħa waħda, tiġi evitata d-diskriminazzjoni u li, min-naħa l-oħra, il-prinċipju tal-preferenza Komunitarja ma jsirx invalidu, u b’hekk jiġi żgurat li dawk li jiġu ttrasferiti b’mod intraażjendali jgawdu mill-istess kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg bħall-ħaddiema tal-UE f’kundizzjonijiet paragunabbli fil-pajjiż ta’ residenza; għaldaqstant, jirrakkomanda li titneħħa r-referenza għad-Direttiva dwar l-ippustjar tal-ħaddiema meta jiġu definiti d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti intraażjendali;

27.

jitlob għal spjegazzjoni dwar għalfejn it-test tas-suq tax-xogħol ġie eskluż mill-proposta dwar it-trasferimenti intraażjendali. B’rabta ma’ dan, il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota li d-Direttiva 2009/50/KE tal-UE, jiġifieri d-Direttiva dwar il-Karta Blu, li titkellem dwar ħaddiema bi kwalifiki għolja li wkoll joriġinaw minn pajjiżi terzi, ma tipprovdix għal test dwar is-suq tax-xogħol;

28.

barra minn hekk, jenfasizza li l-kumpaniji u l-multinazzjonali li mhumiex tal-UE u li għandhom uffiċċji rreġistrati fi Stat Membru tal-UE għandhom jitħeġġu wkoll jużaw professjonisti lokali bi kwalifiki għolja sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp professjonali ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati ħafna fil-livell lokali. Il-periklu huwa li l-multinazzjonali l-kbar li mhumiex tal-UE jużaw biss ħaddiema lokali bi ftit ħiliet u ħaddiema minn pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja. Fuq il-bażi tal-proposta attwali, m’hemmx garanzija li ċ-ċittadini tal-UE se jingħataw preċedenza għal postijiet maniġerjali, speċjalizzati jew ta’ apprendistat;

29.

jinnota li l-abbozz tad-direttiva – kif inhi bħalissa – ma tipprevedix li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal raġuni ta’ saħħa pubblika, politika pubblika jew sigurtà pubblika. Għaldaqstant, jissuġġerixxi li tali raġuni għal rifjut tiġi inkluża fid-direttiva;

30.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li t-trasferimenti intraażjendali aċċettati jkollhom il-possibilità li jiċċaqilqu mnn stabbiliment wieħed għal ieħor tal-istess kumpanija jew grupp fi Stati Membri differenti; iżda jwissi li l-proposta – kif inhi bħalissa taħt l-Artikolu 16 – ma tippermettix b’mod speċifiku lill-Istati Membri sussegwenti għall-pajjiż fejn il-persuna daħlet l-ewwel li jirrifjutaw applikazzjoni għal ammissjoni u jinnota li fil-prattika dan huwa każ fejn qed jiġi injorat id-dritt tagħhom li jidditerminaw l-għadd ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu ammessi fit-territorju tagħhom. Għaldaqstant, jissuġġerixxi li din il-proposta tiġi emendata b’mod adatt;

31.

jenfasizza li l-esiġenza imposta fuq il-ħaddiema minn barra l-UE li juru li għandhom il-kwalifiki professjonali mitluba mill-Istat Membru tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni nazzjonali biex ikunu jistgħu jeżerċitaw professjoni regolata [Artikolu 5(1)(d) u (e)], ma tidhirx proporzjonali. Ta’ min jinnota li dan ikun piż eċċessiv u li llum il-ġurnata, fl-UE, is-sistema ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-ħaddiema tal-UE għadha kwistjoni miftuħa, kif wera dan l-aħħar l-Att dwar is-Suq Uniku; għaldaqstant, isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi din l-esiġenza b’mod li tkun anqas restrittiva;

32.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li d-direttiva proposta dwar it-trasferimenti intraażjendali tħeġġeġ ir-riunifikazzjoni tal-familji u jagħraf li r-reġim speċifiku għall-membri tal-familja ta’ dawk li jiġu ttrasferiti b’mod intraażjendali jista’ tabilħaqq jikkontribwixxi biex is-suq tax-xogħol tal-UE jsir iktar attraenti għalihom;

33.

jirrakkomanda li l-koleġislaturi jikkunsidraw dawn l-emendi leġislattivi għall-proposti, kif ġej:

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET GĦALL-EMENDI

Impjieg staġonali – Rakkomandazzjoni għal Emenda 1

Artikolu 6(3)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 6

Ir-raġunijiet għaċ-ċaħda

1.   L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni għall-ammisjoni fi Stat Membru għall-finijiet ta’ din id-Direttiva kull meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ma jintlaħqux jew kull meta d-dokumenti ppreżentati jinkisbu b’mod frodulenti, jew ikunu ffalsifikati jew imbagħbsa.

2.   L-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk il-post vakanti kkonċernat jistax jimtela minn ċittadin tal-pajjiż jew tal-UE, jew minn ċittadini ta’ pajjiż terz li joqogħdu fl-Istat Membru legalment u li jiffurmaw diġà parti mis-suq tax-xogħol tiegħu skont id-dritt tal-UE jew tal-liġi nazzjonali, u jirrifjutaw l-applikazzjoni.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni jekk il-persuna li timpjega ġiet issanzjonata f’konformità mal-liġi nazzjonali għal xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni minħabba raġunijiet ta’ volum ta' ammissjonijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Artikolu 6

Raġunijiet għal rifjut

1.   L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni għall-ammisjoni fi Stat Membru għall-finijiet ta’ din id-Direttiva kull meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ma jintlaħqux jew kull meta d-dokumenti ppreżentati jinkisbu b’mod frodulenti, jew ikunu ffalsifikati jew imbagħbsa.

2.   L-Istati Membri jistgħu jivverifikaw jekk il-post vakanti kkonċernat jistax jimtela minn ċittadin tal-pajjiż jew tal-UE, jew minn ċittadini ta’ pajjiż terz li joqogħdu fl-Istat Membru legalment u li jiffurmaw diġà parti mis-suq tax-xogħol tiegħu skont id-dritt tal-UE jew tal-liġi nazzjonali, u jirrifjutaw l-applikazzjoni.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni jekk il-persuna li timpjega ġiet issanzjonata f’konformità mal-liġi nazzjonali għal xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal raġunijiet ta’ volumi ta’ ammissjonijiet ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Raġuni

Is-sanzjonijiet fuq dawk li jħaddmu, meta dawn jiksru l-liġi, għandhom ikunu proporzjonali u dissważivi. Iżda m’għandhomx ikunu awtomatiċi. Il-pieni awtomatiċi huma ta’ iktar ħsara għall-ħaddiema prospettivi li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi milli għal dawk li jħaddmu.

Impjieg staġonali – Rakkomandazzjoni għal Emenda 2

Artikolu 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 11

Tul ta’ żmien tal-permanenza

1.   Il-ħaddiema staġonali għandhom jitħallew joqogħdu għal massimu ta’ sitt xhur fi kwalunkwe sena kalendarja, li fi tmiemhom huma għandhom jirritornaw lejn xi pajjiż terz.

2.   Matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, u sakemm jintlaħqu l-kriterji tal-Artikolu 5, il-ħaddiema staġonali għandhom jitħallew jestendu l-kuntratt tagħhom jew jiġu impjegati bħala ħaddiema staġonali ma' persuna differenti li timpjega.

Artikolu 11

Tul ta’ żmien tal-permanenza

1.   Il-ħaddiema staġonali għandhom jitħallew joqogħdu għal massimu ta’ xhur fi kwalunkwe sena kalendarja, li fi tmiemhom huma għandhom jirritornaw lejn xi pajjiż terz.

2.   Matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, u sakemm jintlaħqu l-kriterji tal-Artikolu 5, il-ħaddiema staġonali għandhom jitħallew jestendu l-kuntratt tagħhom jew jiġu impjegati bħala ħaddiema staġonali ma' persuna differenti li timpjega.

Raġuni

Ġie spjegat fit-test tal-opinjoni li f’xi Stati Membri u f’setturi definiti l-ħaddiema staġonali jagħmlu xogħol li jdum iktar minn sitt xhur. Għaldaqstant, qed jiġi propost li l-limitu jiġi estiż.

Trasferimenti intraażjendali – Rakkomandazzjoni għal Emenda 1

Artikolu 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 5

Kriterji għal ammissjoni

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 10, ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex ikun ammess skont it-termini ta’ din id-Direttiva għandu:

(a)

jippreżenta evidenza li l-entità ospitanti u l-impriża stabbilita f’pajjiż terz jappartjenu lill-istess impriża jew grupp ta’ impriżi;

(b)

jippreżenta prova li hu jew hi kien impjegat, fl-istess grupp, għal mill-inqas 12-il xahar immedjatament qabel id-data tat-trasferiment intra-ażjendali u li hu jew hi jkun jista’ jittrasferixxi lura lejn entità li tappartjeni f’dak il-grupp u stabbilita f’pajjiż terz fi tmiem ix-xogħol;

(ċ)

jippreżenta ittra ta’ trasferiment mingħand min iħaddmu li tinkludi:

(i)

il-perjodu tat-trasferiment u l-post fejn tinsab l-entità jew entitajiet ospitanti tal-Istat Membru kkonċernat;

(ii)

evidenza li hu jew hi se jieħdu pożizzjoni ta’ maniġer, speċjalista jew apprendist gradwat fl-entità jew entitajiet ospitanti fl-Istat Membru kkonċernat;

(iii)

ir-remunerazzjoni mogħtija matul it-trasferiment;

(d)

tiġi ppreżentata evidenza li tiċċertifika li hu jew hi għandha l-kwalifiki professjonali meħtieġa fl-Istat Membru fejn hu jew hi se tiġi ammessa għall-pożizzjoni ta’ maniġer jew speċjalista jew, għal apprendisti gradwati, il-kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla meħtieġa;

(e)

tiġi ppreżentata dokumentazzjoni li tiċċertifika li hu jew hi tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati taħt il-liġi nazzjonali għal ċittadini tal-Unjoni sabiex jeżerċitaw il-professjoni regolata fejn min qed jieħu t-trasferiment ikun se jaħdem;

(f)

jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu, kif determinat mil-liġi nazzjonali, u applikazzjoni għal viża jew viża, jekk meħtieġ;

(g)

mingħajr ħsara għal ftehimiet bilaterali eżistenti, jippreżenta evidenza li għandu, jew jekk tipprovdiha l-liġi nazzjonali, li jkun applika għal, assikurazzjoni tas-saħħa għar-riskji kollha normalment koperti għal ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat għal perjodi fejn m’hemmx tali kopertura tal-assikurazzjoni jew dritt simili għal benefiċċji pprovduti rigward, jew bħala riżultat tal-kuntratt tax-xogħol;

(h)

ikun kkunsidrat li ma jippreżentax theddida għall-politika pubblika, s-sigurtà tal-pubbliku jew is-saħħa pubblika.

2.   Stati Membri għandhom jirrikjedu li l-kundizzjonijiet kollha fil-liġi, fir-regolamenti jew fid-dispożizzjonijiet amministrattivi u/jew ftehimiet kollettivi universalment applikabbli li japplikaw għal ħaddiema f'qagħda simili fil-fergħat tax-xogħol rilevanti ikunu ssodisfati rigward ir-remunerazzjoni mogħtija waqt it-trasferiment.

Fin-nuqqas ta’ sistema li permezz tagħha ftehimiet kollettivi jistgħu jiġu ddikjarati universalment applikabbli, Stati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw rwieħhom fuq ftehimiet kollettivi li huma ġeneralment applikabbli għall-entitajiet kollha simili fl-ispazju ġeografiku u fil-professjoni jew industrija kkonċernata, u/jew ftehimiet kollettivi li jkunu ġew konklużi minn dawk li jħaddmu jew unjins li huma l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u li huma applikati fit-territorju kollu.

3.   Minbarra l-evidenza stipulata fil-paragrafi 1 u 2, kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex ikun ammess bħala apprendist gradwat għandu jippreżenta ftehim ta’ taħriġ, inkluża deskrizzjoni tal-programm ta’ taħriġ, id-dewmien tiegħu u l-kundizzjonijiet li taħthom huwa jew hija ssorvelja jew issorveljat f’dan il-programm.

4.   Meta t-trasferiment jikkonċerna entitajiet ospitanti kkollokati f'diversi Stati Membri, kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika sabiex ikun ammess taħt it-termini ta’ din id-Direttiva għandu jippreżenta l-evidenza tal-avviż imsemmi skont l-Artikolu 16 (1) (b).

5.   Kwalunkwe modifika li taffettwa l-kundizzjonijiet għal ammissjoni kif stabbilit f'dan l-Artikolu għandha tkun notifikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 5

Kriterji għal ammissjoni

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 10, ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex ikun ammess skont it-termini ta’ din id-Direttiva għandu:

(a)

jippreżenta evidenza li l-entità ospitanti u l-impriża stabbilita f’pajjiż terz jappartjenu lill-istess impriża jew grupp ta’ impriżi;

(b)

jippreżenta prova li hu jew hi kien impjegat, fl-istess grupp, għal mill-inqas 12-il xahar immedjatament qabel id-data tat-trasferiment intra-ażjendali u li hu jew hi jkun jista’ jittrasferixxi lura lejn entità li tappartjeni f’dak il-grupp u stabbilita f’pajjiż terz fi tmiem ix-xogħol;

(ċ)

jippreżenta ittra ta’ trasferiment mingħand min iħaddmu li tinkludi:

(i)

il-perjodu tat-trasferiment u l-post fejn tinsab l-entità jew entitajiet ospitanti tal-Istat Membru kkonċernat;

(ii)

evidenza li hu jew hi se jieħdu pożizzjoni ta’ maniġer, speċjalista jew apprendist gradwat fl-entità jew entitajiet ospitanti fl-Istat Membru kkonċernat;

(iii)

ir-remunerazzjoni mogħtija matul it-trasferiment;

(d)

tiġi ppreżentata evidenza li tiċċertifika li hu jew hi għandha l-kwalifiki professjonali meħtieġa fl-Istat Membru fejn hu jew hi se tiġi ammessa għall-pożizzjoni ta’ maniġer jew speċjalista jew, għal apprendisti gradwati, il-kwalifiki ta’ edukazzjoni ogħla meħtieġa;

(e)

tiġi ppreżentata dokumentazzjoni li tiċċertifika li hu jew hi tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati taħt il-liġi nazzjonali għal ċittadini tal-Unjoni sabiex jeżerċitaw il-professjoni regolata fejn min qed jieħu t-trasferiment ikun se jaħdem;

(f)

jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu, kif determinat mil-liġi nazzjonali, u applikazzjoni għal viża jew viża, jekk meħtieġ;

(g)

mingħajr ħsara għal ftehimiet bilaterali eżistenti, jippreżenta evidenza li għandu, jew jekk tipprovdiha l-liġi nazzjonali, li jkun applika għal, assikurazzjoni tas-saħħa għar-riskji kollha normalment koperti għal ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat għal perjodi fejn m’hemmx tali kopertura tal-assikurazzjoni jew dritt simili għal benefiċċji pprovduti rigward, jew bħala riżultat tal-kuntratt tax-xogħol;

2.   Stati Membri għandhom jirrikjedu li l-kundizzjonijiet kollha fil-liġi, fir-regolamenti jew fid-dispożizzjonijiet amministrattivi u/jew ftehimiet kollettivi universalment applikabbli li japplikaw għal ħaddiema f'qagħda simili fil-fergħat tax-xogħol rilevanti ikunu ssodisfati rigward ir-remunerazzjoni mogħtija waqt it-trasferiment.

Fin-nuqqas ta’ sistema li permezz tagħha ftehimiet kollettivi jistgħu jiġu ddikjarati universalment applikabbli, Stati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw rwieħhom fuq ftehimiet kollettivi li huma ġeneralment applikabbli għall-entitajiet kollha simili fl-ispazju ġeografiku u fil-professjoni jew industrija kkonċernata, u/jew ftehimiet kollettivi li jkunu ġew konklużi minn dawk li jħaddmu jew unjins li huma l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u li huma applikati fit-territorju kollu.

3.   Minbarra l-evidenza stipulata fil-paragrafi 1 u 2, kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika biex ikun ammess bħala apprendist gradwat għandu jippreżenta ftehim ta’ taħriġ, inkluża deskrizzjoni tal-programm ta’ taħriġ, id-dewmien tiegħu u l-kundizzjonijiet li taħthom huwa jew hija ssorvelja jew issorveljat f’dan il-programm.

4.   Meta t-trasferiment jikkonċerna entitajiet ospitanti kkollokati f'diversi Stati Membri, kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li japplika sabiex ikun ammess taħt it-termini ta’ din id-Direttiva għandu jippreżenta l-evidenza tal-avviż imsemmi skont l-Artikolu 16 (1) (b).

5.   Kwalunkwe modifika li taffettwa l-kundizzjonijiet għal ammissjoni kif stabbilit f'dan l-Artikolu għandha tkun notifikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat.

   

Raġuni

L-abbozz tad-direttiva – kif inhi bħalissa – tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal raġuni ta’ saħħa pubblika, politika publika jew sigurtà pubblika. B’hekk il-Kumitat jista’ jissuġġerixxi li tali raġuni għal rifjut trid tiġi pprovduta fid-direttiva.

Trasferimenti intra-ażjendali – Rakkomandazzjoni għal Emenda 2

Artikolu 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 6

Raġunijiet għal rifjut

1.   L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ma jkunux issodisfati jew meta d-dokumenti ppreżentati jkunu ġew akkwistati b’mod frawdulenti, ffalsifikati jew imbagħbsa.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni jekk min jimpjega jew l-entità ospitanti kienu ġew sanzjonati b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali għal xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal raġunijiet ta’ volumi ta' ammissjonijiet ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi.

4.   Meta t-trasferiment jikkonċerna entitajiet ospitanti kkollokati f'diversi Stati Membri, l-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għandu jillimita l-ambitu ġeografiku tal-validità tal-permess għall-Istati Membri fejn il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 huma ssodisfati.

Artikolu 6

Raġunijiet għal rifjut

1.   L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ma jkunux issodisfati jew meta d-dokumenti ppreżentati jkunu ġew akkwistati b’mod frawdulenti, ffalsifikati jew imbagħbsa.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni jekk min jimpjega jew l-entità ospitanti kienu ġew sanzjonati b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali xogħol mhux iddikjarat u/jew impjieg illegali.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni għal raġunijiet ta’ volumi ta’ ammissjonijiet ta' ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

4.   Meta t-trasferiment jikkonċerna entitajiet ospitanti kkollokati f'diversi Stati Membri, l-Istat Membru fejn tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għandu jillimita l-ambitu ġeografiku tal-validità tal-permess għall-Istati Membri fejn il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5 huma ssodisfati.

Raġuni

Il-KtR jaqbel li ċerti sanzjonijiet għandhom jiġu imposti fuq dawk li jħaddmu, jekk jiksru l-liġi. Għandhom ikunu proporzjonali u dissważivi, iżda mhux awtomatiċi. Il-pieni awtomatiċi huma ta’ iktar ħsara għall-ħaddiema prospettivi li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi milli għal dawk li jħaddmu.

Trasferimenti intra-ażjendali – Rakkomandazzjoni għal Emenda 3

Artikolu 14(1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 14

Drittijiet

Tkun xi tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg, ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali għandhom ikunu intitolati għal:

1.

it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli għal ħaddiema kkollokati f'impjieg simili, kif stipulat mil-liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u/jew ftehimiet applikabbli universalment mill-Istat Membru li għalih ġew ammessi skont din id-Direttiva.

Fin-nuqqas ta’ sistema li permezz tagħha ftehimiet kollettivi jkunu jistgħu jiġu ddikjarati universalment applikabbli, Stati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw rwieħhom fuq ftehimiet kollettivi li huma ġeneralment applikabbli għall-entitajiet kollha simili fl-ispazju ġeografiku u fil-professjoni jew industrija kkonċernata, u/jew ftehimiet kollettivi li jkunu ġew konklużi minn dawk li jħaddmu jew unjins li huma l-iktar rappreżentattivi fil-livell nazzjonali u li huma applikati fit-territorju kollu.

2.

trattament indaqs ma’ ċittadini tal-Istat Membru ospitanti rigward:

(a)

libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u sħubija ta’ organizzazzjoni li tirrappreżenta ħaddiema jew impjegati jew ta’ kwalunkwe organizzazzjoni li l-membri tagħha huma involuti f’okkupazzjoni speċifika, inkluż il-benefiċċji mogħtija minn dawn l-organizzazzjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-politika pubblika u s-sigurtà tal-pubbliku;

(b)

rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki personali oħra skont il-proċeduri nazzjonali rilevanti;

(ċ)

mingħajr ħsara għal ftehimiet bilaterali eżistenti, dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali rigward il-fergħat tas-sigurtà soċjali ddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru. 883/04. F’każ ta’ mobbiltà bejn l-Istati Membri u bla ħsara għal ftehimiet bilaterali eżistenti, ir-Regolament (KE) Nru 859/2003 għandu għaldaqstant japplika.

(d)

bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 859/2003 u għal ftehimiet bilaterali eżistenti, ħlas ta’ pensjonijiet statutorji bbażati fuq id-dħul fir-rigward ta' impjiegi preċedenti meta jiċċaqlaq lejn pajjiż terz;

(e)

aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista ta’ prodotti u servizzi magħmula disponibbli għall-pubbliku, minbarra akkomodazzjoni soċjali u servizzi ta’ konsulenza minn servizzi ta’ impjieg;

Id-dritt għal trattament indaqs stabbilit f’paragrafu 2 għandu japplika bla ħsara għad-dritt tal-Istat Membru li jirtira jew jirrifjuta li jġedded il-permess skont l-Artikolu 7.

Artikolu 14

Drittijiet

Tkun xi tkun il-liġi applikabbli għar-relazzjoni ta’ impjieg, ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali għandhom ikunu intitolati għal:

1.

termini u kundizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli għall

2.

trattament indaqs ma’ ċittadini tal-Istat Membru ospitanti rigward:

(a)

libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u sħubija ta’ organizzazzjoni li tirrappreżenta ħaddiema jew impjegati jew ta’ kwalunkwe organizzazzjoni li l-membri tagħha huma involuti f’okkupazzjoni speċifika, inkluż il-benefiċċji mogħtija minn dawn l-organizzazzjonijiet bla ħsara għad-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq il-politika pubblika u s-sigurtà tal-pubbliku;

(b)

rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u kwalifiki personali oħra skont il-proċeduri nazzjonali rilevanti;

(ċ)

mingħajr ħsara għal ftehimiet bilaterali eżistenti, dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali rigward il-fergħat tas-sigurtà soċjali ddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru. 883/04. F’każ ta’ mobbiltà bejn l-Istati Membri u bla ħsara għal ftehimiet bilaterali eżistenti, ir-Regolament (KE) Nru 859/2003 għandu għaldaqstant japplika.

(d)

bla ħsara għar-Regolament (KE) Nru 859/2003 u għal ftehimiet bilaterali eżistenti, ħlas ta’ pensjonijiet statutorji bbażati fuq id-dħul fir-rigward ta' impjiegi preċedenti meta jiċċaqlaq lejn pajjiż terz;

(e)

aċċess għal prodotti u servizzi u l-provvista ta’ prodotti u servizzi magħmula disponibbli għall-pubbliku, minbarra akkomodazzjoni soċjali u servizzi ta’ konsulenza minn servizzi ta’ impjieg;

Id-dritt għal trattament indaqs stabbilit f’paragrafu 2 għandu japplika bla ħsara għad-dritt tal-Istat Membru li jirtira jew jirrifjuta li jġedded il-permess skont l-Artikolu 7.

Raġuni

Il-KtR jemmen li jenħtieġ li jiġi żgurat it-trattament ugwali ma’ ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali. Din il-proposta għal emenda ssegwi l-istess raġunament. Barra minnhekk, l-hekk msejħa Direttivi dwar il-“Karta Blu” (6) u dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (7) jiggarantixxu trattament ugwali ma’ ħaddiema bi kwalifiki għoljin.

Trasferimenti intra-ażjendali – Rakkomandazzjoni għal Emenda 4

Artikolu 16

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Artikolu 16

Mobbiltà bejn l-Istati Membri

1.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jingħataw permess għal trasferiment intra-ażjendali fi Stat Membru, li jissodisfaw il-kriterji għal ammissjoni kif stipulati fl-Artikolu 5 u li japplikaw għal trasferiment intra-ażjendali fi Stat Membru ieħor għandhom jitħallew jaħdmu fi kwalunkwe entità oħra stabbilita f'dak l-Istat Membru u li tappartjeni għall-istess grupp ta’ impriżi u fuq is-siti ta' klijenti ta' dik l-impriża ospitanti jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(4) ikunu ssodisfati, fuq il-bażi tal-permess ta' residenza maħruġ mill-ewwel Stat Membru u d-dokument addizzjonali li jipprovdi l-Artikolu 11(4), bil-kundizzjoni li:

(a)

it-tul ta’ żmien tat-trasferiment fl-Istat(i) Membru/i ma jkunx jaqbeż it-tnax-il xahar.

(b)

l-applikant ikun ippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor, qabel it-trasferiment tiegħu/tagħha għal; dak l-Istat Membru, d-dokumenti imsemmija fl-Artikolu 5 (1) (2) u (3) rigward it-trasferiment lejn dak l-Istat Membru u pprovda evidenza ta’ din is-sottomissjoni lill-ewwel Istat Membru.

2.   Jekk it-tul ta’ żmien tat-trasferiment fl-Istat Membru l-ieħor jaqbeż it-tnax-il xahar jew it-tul ta’ żmien massimu miftiehem imsemmi fil-paragrafu 1 (a), l-Istat Membru jista' jeħtieġ applikazzjoni ġdida għal permess ta’ residenza bħala ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali f’dak l-Istat Membru.

Meta l-leġiżlazzjoni rilevanti teħtieġ viża jew permess ta’ residenza titħaddem il-mobbiltà, dawn il-viżi jew permessi għandhom ikunu mogħtija fil-ħin f’perjodu li ma jostakolax it-twettiq ta’ xogħol, filwaqt li jħalli lill-awtoritajiet kompetenti biżżejjed ħin sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet.

L-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu li ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali jitilqu mit-territorju tagħhom sabiex jissottomettu applikazzjonijiet għal viżi jew permessi ta’ residenza.

3.   Il-perjodu massimu tal-permess tar-residenza għandu jkun limitat għal mhux iktar minn tliet snin għal diretturi u speċjalisti u sena għal apprendisti gradwati.

Artikolu 16

Mobbiltà bejn l-Istati Membri

1.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jingħataw permess għal trasferiment intra-ażjendali fi Stat Membru, li jissodisfaw il-kriterji għal ammissjoni kif stipulati fl-Artikolu 5 u li japplikaw għal trasferiment intra-ażjendali fi Stat Membru ieħor għandhom jitħallew jaħdmu fi kwalunkwe entità oħra stabbilita f'dak l-Istat Membru u li tappartjeni għall-istess grupp t’a impriżi u fuq is-siti ta' klijenti ta' dik l-impriża ospitanti jekk il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(4) ikunu ssodisfati, fuq il-bażi tal-permess ta' residenza maħruġ mill-ewwel Stat Membru u d-dokument addizzjonali li jipprovdi l-Artikolu 11(4), bil-kundizzjoni li:

(a)

it-tul ta’ żmien tat-trasferiment fl-Istat(i) Membru/i ma jkunx jaqbeż it-tnax-il xahar.

(b)

l-applikant ikun ippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor, qabel it-trasferiment tiegħu/tagħha għal; dak l-Istat Membru, d-dokumenti imsemmija fl-Artikolu 5 (1) (2) u (3) rigward it-trasferiment lejn dak l-Istat Membru u pprovda evidenza ta’ din is-sottomissjoni lill-ewwel Istat Membru.

   

   Jekk it-tul ta’ żmien tat-trasferiment fl-Istat Membru l-ieħor jaqbeż it-tnax-il xahar jew it-tul ta’ żmien massimu miftiehem imsemmi fil-paragrafu 1 (a), l-Istat Membru jista' jeħtieġ applikazzjoni ġdida għal permess ta’ residenza bħala ħaddiem bi trasferiment intra-ażjendali f’dak l-Istat Membru.

Meta l-leġiżlazzjoni rilevanti teħtieġ viża jew permess ta’ residenza titħaddem il-mobbiltà, dawn il-viżi jew permessi għandhom ikunu mogħtija fil-ħin f’perjodu li ma jostakolax it-twettiq ta’ xogħol, filwaqt li jħalli lill-awtoritajiet kompetenti biżżejjed ħin sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet.

L-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu li ħaddiema bi trasferiment intra-ażjendali jitilqu mit-territorju tagħhom sabiex jissottomettu applikazzjonijiet għal viżi jew permessi ta’ residenza.

   Il-perjodu massimu tal-permess tar-residenza għandu jkun limitat għal mhux iktar minn tliet snin għal diretturi u speċjalisti u sena għal apprendisti gradwati.

Raġuni

Il-KtR huwa tal-fehma li l-proposta – kif inhi bħalissa taħt l-Artikolu 16 – ma tippermettix b’mod speċifiku lill-Istati Membri sussegwenti għall-pajjiż fejn il-persuna daħlet l-ewwel li jirrifjutaw applikazzjoni għal ammissjoni u jinnota li fil-prattika dan huwa każ fejn qed jiġi injorat id-dritt tagħhom li jidditerminaw l-għadd ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu ammessi fit-territorju tagħhom. Għaldaqstant, jissuġġerixxi li din il-proposta tiġi emendata b’mod adatt.

Brussell, 31 ta’ Marzu 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Ara l-opinjonijiet CdR 296/2007 u Cdr 210/2008.

(2)  Ara l-opinjonijiet CdR 296/2007 u CdR 201/2009.

(3)  F’ħafna Stati Membri, is-settur tar-ragħa u l-ħalib ibati mill-volatilità qawwija tal-prezzijiet u jirrikjedi mekkaniżmi urġenti għall-kontroll tas-suq, l-istabbilizzazzjoni tal-prezzijiet u t-tisħiħ tal-poter kuntrattwali ta’ dawk li jrabbu l-annimali u tar-rgħajja li jiffurmaw il-ħolqa d-dgħajfa tal-katina.

(4)  COM(2007) 638 finali, Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta’ applikazzjoni għal permess uniku għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jgħixu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru kif ukoll dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għall-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu legalment fi Stat Membru.

(5)  Ara l-opinjoni Cdr 296/2007.

(6)  Ara l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin, ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17.

(7)  Ara l-Artikolu 11(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul, ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.