ISSN 1725-5198 doi:10.3000/17255198.C_2011.051.mlt |
||
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51 |
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 54 |
Avviż Nru |
Werrej |
Paġna |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet |
|
|
OPINJONIJIET |
|
|
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew |
|
|
L-466 sessjoni plenarja tad-19, 20 u 21 ta’ Ottubru 2010 |
|
2011/C 051/01 |
||
2011/C 051/02 |
||
2011/C 051/03 |
||
2011/C 051/04 |
||
2011/C 051/05 |
||
|
III Atti preparatorji |
|
|
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew |
|
|
L-466 sessjoni plenarja tad-19, 20 u 21 ta’ Ottubru 2010 |
|
2011/C 051/06 |
||
2011/C 051/07 |
||
2011/C 051/08 |
||
2011/C 051/09 |
||
2011/C 051/10 |
||
2011/C 051/11 |
||
2011/C 051/12 |
||
2011/C 051/13 |
||
2011/C 051/14 |
||
2011/C 051/15 |
||
2011/C 051/16 |
||
MT |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet
OPINJONIJIET
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-466 sessjoni plenarja tad-19, 20 u 21 ta’ Ottubru 2010
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Parteċipazzjoni Finanzjarja tal-Impjegati fl-Ewropa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 51/01
Relatur: is-Sur Graf von SCHWERIN
Korelatur: is-Sinjura SHARMA
Nhar is-17 ta' Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
il-Parteċipazzjoni Finanzjarja tal-Impjegati fl-Ewropa.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Settembru 2010.
Minħabba t-tiġdid tal-Kumitat, l-Assemblea Plenarja ddeċidiet li l-votazzjoni fuq din l-opinjoni ssir fis-sessjoni plenarja ta' Ottubru u ħatret lil Alexander Graf von SCHWERIN bħala relatur ġenerali b’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta' Proċedura.
Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta' Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’170 vot favur, 9 voti kontra u 22 astensjoni.
1. Sommarju u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati (PFI) hija opportunità biex l-intrapriżi, l-impjegati kif ukoll is-soċjetà b’mod ġenerali jkunu jistgħu jipparteċipaw aktar u aħjar fis-suċċess tal-Ewropizzazzjoni dejjem tikber tal-attivitajiet ekonomiċi. Għaldaqstant, b’din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jixtieq jagħmel lill-pubbliku aktar konxju dwar dan is-suġġett. L-għan huwa li l-Ewropa tiġi mħeġġa tfassal kunċett qafas li jippromovi l-koeżjoni soċjali u ekonomika tagħha stess billi jiffaċilita l-użu tal-PFI f’livelli differenti (pereżempju parteċipazzjoni fil-profitt, skemi ta' sjieda tal-ishma, skemi ta' tfaddil għall-impjegati).
1.2 Bħalma l-Ewropa kibret, hekk ukoll l-intrapriżi, fosthom l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (SMEs), estendew l-attivitajiet tagħhom lil hinn mill-fruntieri. Waħda mill-prijoritajiet tal-Istrateġija UE 2020 hija li l-implimentazzjoni tas-Small Business Act titpoġġa fuq quddiem nett, speċjalment bil-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-SMEs. Il-PFI tista’ tkun wieħed mill-mekkaniżmi li jappoġġjaw dan l-objettiv u b’hekk issaħħaħ il-kompetittività tal-SMEs Ewropej. Irrispettivament mid-daqs tal-intrapriża, il-mudelli tal-PFI għandhom jirrispettaw is-soluzzjonijiet fil-livell tal-intrapriża u jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema, filwaqt li titqies id-diversità tal-intrapriżi u l-pajjiżi.
1.3 Għalhekk, l-għan ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa:
— |
li terġa’ tiftaħ id-dibattitu dwar il-PFI fil-livell Ewropew u li tagħti impulsi ġodda lid-diskussjoni madwar l-UE kollha; |
— |
li tagħmel lill-pubbliku aktar konxju dwar is-suġġett u tħeġġeġ lill-imsieħba soċjali kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fl-Istati Membri jindirizzaw dan is-suġġett fil-fond; |
— |
li tidentifika l-ostakli għall-PFI f’livell transkonfinali u tissuġġerixxi xi soluzzjonijiet possibbli; |
— |
li titlob, fejn ikun adatt, lill-istituzzjonijiet Ewropej korrispondenti biex ifasslu s-soluzzjonijiet; |
— |
li tiddiskuti kwistjonijiet oħra li għadhom miftuħa u għandhom bżonn jiġu analizzati iktar fil-fond. |
1.4 L-introduzzjoni tal-PFI għandha tkun volontarja. M’għandhiex tieħu post il-pagi eżistenti, iżda għandha tikkomplementa s-sistemi ta' rimunerazzjoni u m’għandhiex ixxekkel in-negozjati dwar il-pagi nnifishom. L-impjegati jridu jkunu jistgħu jifhmuha u f’dan is-sens għandha tikkomplementa forom oħra ta' parteċipazzjoni tal-impjegati. Il-PFI m’għandhiex tkun parti mis-sistema tal-pensjoni. Però tista’ tkun, fuq bażi individwali, element addizzjonali fit-tfaddil għal meta l-impjegati jirtiraw.
1.5 Il-PFI tista’:
— |
ittejjeb il-kapaċità tal-akkwist lokali u b’hekk jiżdiedu l-possibbiltajiet li intrapriża tirnexxi f’reġjun partikolari; |
— |
bħala fattur ta' kwalità tajba tal-ġestjoni ta' intrapriża, tikkontribwixxi biex jittejjeb id-dħul permezz tal-parteċipazzjoni fis-suċċess tal-intrapriża; |
— |
bħala parti mill-proċess tal-iżvilupp tal-kapital, ikollha effett motivanti għall-impjegati u permezz tagħha l-impjegati jħossuhom aktar parti mill-intrapriża għax jidentifikaw ruħhom aktar magħha. |
1.6 Għaldaqstant, il-KESE jitlob li tiġi adottata rakkomandazzjoni ġdida tal-Kunsill (bħal pereżempju 92/443/KEE tas-27 ta' Lulju 1992) dwar il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-profitt u r-riżultati tal-intrapriża kif ukoll li jiġu ppreżentati l-proposti dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-ostakli għall-pjani transkonfinali.
1.6.1 Għal dan il-għan, fil-livell Ewropew għandhom jittieħdu l-miżuri siewja li ġejjin:
1) |
L-applikazzjoni tal-PFI għandha tiġi ffaċilitata madwar l-UE kollha fuq il-bażi ta' prinċipji komuni. |
2) |
Il-forom differenti ta' PFI, li sadanittant laħqu żdiedu, għandhom jiġu analizzati u ppreżentati b’mod li jinfiehmu fil-prattika, sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom, speċjalment fl-SMEs. |
3) |
L-intrapriżi li joperaw fuq bażi transkonfinali għandhom jiġu megħjuna jegħlbu l-ostakli, l-aktar dawk fiskali, li jiffaċċjaw skont il-pajjiż membru tal-UE u taż-ŻEE, bil-għan li jkunu jistgħu jilħqu aħjar l-objettivi tagħhom marbuta mal-lealtà tal-impjegati u l-identifikazzjoni tagħhom mal-intrapriża permezz tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom. |
4) |
Għandhom jiġu żviluppati forom ta' PFI li jtejbu, b’mod partikolari, l-offerta min-naħa tal-intrapriżi, il-parteċipazzjoni tal-impjegati, l-appoġġ individwali għall-iżvilupp tal-kapital, parteċipazzjoni akbar tal-impjegati fir-riżultati tal-intrapriża kif ukoll it-trasferimenti transkonfinali; |
5) |
Il-parteċipazzjoni pożittiva permezz tad-drittijiet tas-sjieda u r-responsabbiltà marbuta magħhom min-naħa tal-impjegati involuti tista’ ssaħħaħ il-governanza tal-intrapriża. |
6) |
L-eżempji tal-aħjar prattiki għandhom ikomplu jiġu ppubblikati biex b’hekk jikkontribwixxu għat-tixrid tal-PFI. Il-baġit tal-UE għandu jipprevedi intestatura dedikata għal dawn l-attivitajiet. |
7) |
Il-PFI bħala mudell tas-suċċessjoni tal-intrapriża (Employee-buy-outs) huwa adatt biex jissaħħu l-kontinwità u b’hekk il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej, u fl-istess ħin biex dawn ikunu marbuta mar-reġjun. |
8) |
Id-dħul u l-kapaċità tal-akkwist tal-impjegati baqgħu jiġu wara ż-żieda tal-produttività u d-dħul tal-azzjonisti (1). Il-konsegwenzi tal-kriżi tas-suq finanzjarju ser ikollhom effetti negattivi fuq l-impjegati wkoll. Skont x’forma tieħu, il-PFI tista’ sservi ta' kumpens – parzjali – għat-telf tal-kapaċità tal-akkwist u tikkoreġi l-fluttwazzjoni rikorrenti, iżda m’għandhiex tieħu post iż-żieda fis-salarji. |
9) |
Għandhom jiġu żviluppati kemm sorsi ta' informazzjoni dwar l-implikazzjonijiet tal-PFI għall-intrapriżi u l-ħaddiema, kif ukoll opportunitajiet ta' taħriġ u konsulenza minn istituzzjonijiet indipendenti, jiġifieri minn organizzazzjonijiet nongovernattivi. |
10) |
Fejn normalment ikun hemm in-negozjati kollettivi, il-kundizzjonijiet tal-PFI għandhom jiġu rregolati wkoll fil-qafas tal-ftehimiet kollettivi. |
2. Sfond
2.1 Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea
Fl-1992, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (li aktar tard sar: tal-Unjoni Ewropea) dwar il-Promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriża (2) kienet diġà stabbilixxiet prinċipji ġenerali li huma appoġġjati mill-KESE:
— |
applikazzjoni regolari; |
— |
kalkolu skont formula definita minn qabel; |
— |
applikazzjoni b’mod komplementari mas-sistemi ta' rimunerazzjoni tradizzjonali; |
— |
parteċipazzjoni varjabbli skont ir-riżultati tal-intrapriża; |
— |
benefiċċji għall-impjegati kollha; |
— |
applikazzjoni fl-intrapriżi privati kif ukoll f’dawk pubbliċi; |
— |
applikazzjoni f’intrapriżi ta' kull daqs; |
— |
mudelli sempliċi; |
— |
informazzjoni u taħriġ għall-impjegati fuq il-mudelli; |
— |
introduzzjoni u parteċipazzjoni volontarji fil-mudelli ta' parteċipazzjoni. |
Fl-2002, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-Qafas għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati (3) kkonfermat dawn il-prinċipji.
2.2 Ir-rapporti PEPPER mitluba mill-Kummissjoni Ewropea
2.2.1
Ir-rapporti PEPPER juru l-importanza kontinwa ta' dan is-suġġett għall-politika Ewropea: ir-rapport PEPPER IV (4) jinnota li l-PFI fl-UE-27 infirxet b’mod kostanti matul dawn l-aħħar għaxar snin. Bejn l-1999 u l-2005, il-proporzjon ta' intrapriżi li joffru mudelli tal-parteċipazzjoni fil-kapital miftuħa għall-impjegati kollha kiber b’ħames punti perċentwali minn medja ta' 13 % għal 18 %, u l-mudelli tal-parteċipazzjoni fil-profitt kibru b’sitt punti perċentwali minn medja ta' 29 % għal 35 % (data tal-CRANET, medja peżata tal-pajjiżi kollha). Kiber ukoll, għalkemm fuq skala iżgħar, il-proporzjon ta' impjegati li jieħdu sehem f’dawn il-mudelli (data mill-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol – EWCS).
2.2.2
Fir-rapport PEPPER IV huwa rakkomandat li tiġi adottata rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar pjattaforma Ewropea għall-PFI. F’dan ir-rigward, il-mudell tal-moduli transnazzjonali jinkludi, b’konformità mal-prinċipju tal-approċċ volontarju, il-forom prattikati kollha tal-parteċipazzjoni finanzjarja:
1) |
parteċipazzjoni fil-profitt (fi flus kontanti, differit jew fuq il-bażi ta' ishma), |
2) |
parteċipazzjoni individwali fil-kapital (ishma jew opzjonijiet fuq l-ishma għall-impjegati); |
3) |
il-kunċett tal-ESOP (mudell kollettiv tal-parteċipazzjoni fil-kapital iffinanzjat mill-parteċipazzjoni fil-profitt b’mod komplementari mar-rimunerazzjoni). |
Fl-istess ħin, dan jiftaħ it-triq għal forom ġodda ta' PFI. Il-moduli kollha jistgħu jiġu kkombinati sabiex jinstabu soluzzjonijiet speċifiċi.
2.2.3
Huwa minnu li l-inċentivi fiskali mhumiex indispensabbli għall-PFI, però fil-pajjiżi li joffruhom ħallew il-frott. Minkejja li l-kompetenza esklużiva rigward it-tassazzjoni hija f’idejn l-Istati Membri, il-koordinazzjoni, l-aġġustament u r-rikonoxximent reċiproku jistgħu jgħinu biex jiffaċilitaw il-PFI fl-intrapriżi li joperaw fuq bażi transkonfinali. Bil-kalkolu tar-“rati effettivi tat-taxxa” għal xenarji standardizzati, ikun jista’ jsir tqabbil dirett bejn is-27 Stat Membru tal-UE u b’hekk tiġi ggarantita aktar armonizzazzjoni. Sakemm dawn l-inċentivi jibqgħu fakultattivi, mhux se jinħolqu kunflitti mal-liġi nazzjonali.
2.2.4
L-imsieħba soċjali u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi għandhom bżonn informazzjoni ċara u dettaljata dwar il-mudelli applikati fil-livell nazzjonali, il-vantaġġi li joffru u l-istabbiliment tagħhom. S’issa għad m’hemmx data transkonfinali minn stħarriġ immirat dwar il-PFI. Dan in-nuqqas għandu jiġi indirizzat billi, pereżempju, tinġabar id-data b’mod regolari.
2.3 Ħidma preparatorja għall-proġetti appoġġjati mill-Kummissjoni: approċċ tal-UE fuq il-bażi ta' moduli (building block approach)
2.3.1 Sabiex ikun hemm rabta bejn id-diversi mudelli differenti ta' PFI li jeżistu fl-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea appoġġjat il-ħidma preparatorja għall-hekk imsejjaħ approċċ fuq il-bażi ta' moduli (5). Hawnhekk issir distinzjoni bejn it-tliet forom bażiċi tal-PFI fl-Ewropa (parteċipazzjoni fil-profitt, parteċipazzjoni individwali fil-kapital u l-kunċett tal-ESPO; ara wkoll l-Anness).
2.3.2 Il-“mudell tal-moduli”jissodisfa r-rekwiżiti tal-Kummissjoni Ewropea (trasparenza, mingħajr diskriminazzjoni, eċċ.). L-għoti ta' benefiċċji fiskali la huwa previst u lanqas eskluż. L-elementi kollha huma fakultattivi kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-impjegati, u jistgħu jiġu kkombinati flimkien skont il-ħtiġijiet speċjali tal-intrapriża.
2.3.3 Ir-rapport PEPPER IV jgħid li l-PFI tista’ ssir aktar attraenti għal dawk kollha involuti bis-saħħa ta' mudell tal-PFI li jkun jista’ jintuża fuq bażi transkonfinali u li jiġi promoss b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha tal-UE. B’hekk l-intrapriżi stabbiliti f’diversi pajjiżi, b’mod partikolari, għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis fil-piż amministrattiv li jġib miegħu mudell uniformi, li jtejjeb ukoll it-trasferimenti minn pajjiż għal ieħor. L-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-uniformità trasparenti u mill-komparabbiltà tal-mudelli tal-PFI.
2.3.4 Sakemm jitfassal mudell ta' dan it-tip madwar l-UE kollha, għandhom isiru sforzi għar-rikonoxximent reċiproku tal-forom differenti ta' parteċipazzjoni finanzjarja pprattikati fil-livell nazzjonali, inkluż it-trattament fiskali tagħhom.
3. Vantaġġi li jippromovu t-tixrid kontinwu tal-PFI
3.1 Il-vantaġġi tal-parteċipazzjoni finanzjarja għall-intrapriżi
I |
Fir-rigward tal-Istrateġija UE 2020, l-introduzzjoni tal-PFI tista’ tgħin lill-intrapriżi Ewropej, b’mod partikolari lill-SMEs, biex itejbu l-kompetittività tagħhom, billi żżid il-lealtà tal-impjegati kkwalifikati u l-identifikazzjoni tagħhom mal-intrapriża permezz tal-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom, kemm fi żminijiet tajbin kif ukoll f’dawk ħżiena. B’hekk il-PFI tikkontribwixxi għall-iżgurar ta' futur sostenibbli. |
II |
Parti mill-profitt tal-intrapriża tingħata lill-impjegati lokali, u dan jgħin sabiex tiżdied il-kapaċità tal-akkwist reġjonali. |
III |
Il-PFI tista’ tgħin biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku, għaliex il-persuni bi kwalifiki għoljin, li jkunu jriduhom ħafna intrapriżi, jiġu offruti post attraenti fejn jaħdmu u jgħixu. Dan jippromovi r-reklutaġġ ta' ħaddiema speċjalizzati. |
IV |
It-titjib tal-motivazzjoni permezz tal-PFI jikkontribwixxi biex tiżdied il-produttività tal-intrapriża u biex tittejjeb il-kwalità tal-ġestjoni tal-intrapriża. |
V |
Il-PFI tista’, skont jekk tkunx imfassla bħala ekwità (equity) jew kapital estern, iżżid ir-rendiment tal-ekwità jew il-proporzjon tal-ekwità tal-intrapriża. B’hekk jista’ jkun aktar faċli li jinkiseb il-kapital estern. Barra minn hekk, tittejjeb ukoll il-klassifikazzjoni tal-intrapriża. |
VI |
L-użu tal-PFI għas-suċċessjoni tal-intrapriża, billi tinbiegħ kollha jew parti minnha lill-impjegati tagħha, jista’ jkun strument adegwat biex tiġi ggarantita l-kontinwità tal-SMEs u l-intrapriżi tal-familja (6). |
3.2 Il-vantaġġi tal-parteċipazzjoni finanzjarja għall-impjegati
I |
Permezz tal-PFI, l-impjegati jistgħu jibbenefikaw fuq bażi volontarja minn dħul komplementari minbarra dak previst fil-ftehimiet kollettivi u/jew tax-xogħol. |
II |
B’hekk tinfetaħ il-possibbiltà li l-impjegati jiżviluppaw b’mod aktar faċli u fit-tul il-kapital tagħhom, u dan jista’ jikkontribwixxi biex jibbenefikaw minn riżorsi addizzjonali għal ħajjithom wara li jispiċċaw mix-xogħol. |
III |
L-impjegati li jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-intrapriża jħossuhom li qed jittieħdu aktar bis-serjetà minħabba l-kontribut tagħhom għas-suċċess tal-intrapriża. Iħossuhom aktar stmati. |
IV |
Il-PFI toffrilhom il-possibbiltà li jżidu l-awtonomija tagħhom fuq il-post tax-xogħol u li jieħdu sehem fl-istrateġija tal-intrapriża għall-futur. B’dan il-mod, l-impjegati jistgħu jikkontribwixxu biex jiżguraw l-impjieg tagħhom fit-tul. |
V |
Bħala element addizzjonali flimkien mar-rimunerazzjoni fissa, il-PFI ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tal-ħaddiema u tgħin biex jingħelbu ż-żminijiet ta' kriżi jew meta jinbidel l-impjieg. |
VI |
Fil-kuntest ta' suq tax-xogħol li qed isir dejjem aktar Ewropew, ikun tajjeb li l-forom tal-PFI ta' pajjiż ikunu rikonoxxuti f’pajjiżi oħra u wieħed ikun jista’ jittrasferixxihom meta jmur jaħdem f’pajjiż ieħor. |
VII |
Sabiex iżommu l-impjieg tagħhom, l-impjegati li jintmessulhomx l-impjieg u r-rimunerazzjoni tagħhom jistgħu jappoġġjaw b’mod temporanju l-intrapriża tagħhom f’każ ta' ristrutturazzjoni jew kriżi, li jkunu qed jiġu indirizzati mill-imsieħba soċjali. |
3.3 Is-suċċessjoni tal-intrapriża u l-parteċipazzjoni fil-kapital
3.3.1 Il-Kummissjoni Ewropea (7) tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea, terz tal-intraprendituri tal-UE, primarjament dawk li jmexxu intrapriża tal-familja, ser jirtiraw matul l-għaxar snin li ġejjin. Dan ifisser żieda enormi fit-trasferimenti tal-intrapriżi li ser jolqtu sa 690 000 intrapriża li mhumiex ikkwotati fil-borża u 2,8 miljun impjieg fis-sena. L-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, bħala s-settur li jimpjega l-aktar nies, huma fattur essenzjali fil-politika tas-suq tax-xogħol. B’rabta ma' dan hemm ukoll il-kwistjoni ta' jekk hux ser ikunu jistgħu jinżammu l-intrapriżi milquta mit-tibdil tal-ġenerazzjonijiet u l-impjiegi li jipprovdu. Huwa fil-kuntest ta' din il-ħtieġa dejjem tikber li jkun hemm suċċessjoni għall-intrapriżi li jista’ jgħin mudell tal-PFI mfassal b’mod speċifiku bħala kunċett għas-suċċessjoni tal-intrapriża.
3.3.2 Għas-suċċessjoni tal-intrapriża jistgħu jkunu ta' siewi, b’mod speċjali, il-mudelli tal-ESOP (ara l-Anness). Aspett prinċipali tal-mudell tal-ESOP huwa t-tfassil tiegħu speċifikament għall-intrapriżi li mhumiex ikkwotati fil-borża. Dan il-mudell iħeġġeġ lis-sidien jittrasferixxu l-intrapriża lill-impjegati tagħhom minflok ibigħuha lil partijiet terzi u jipprevedi li bil-mod il-mod is-sjieda tal-intrapriża tkun 100 % tal-impjegati. B’hekk jippermetti lis-sidien li jkunu jixtiequ jbigħu l-parti tagħhom jagħmlu dan mingħajr ma jġiegħlu lis-sidien l-oħra jagħmlu bħalhom. F’dan il-każ l-impjegati m’għandhomx għalfejn joħorġu l-kapital minn buthom għaliex il-finanzjament biex huma jiksbu l-intrapriża jkun ġej mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-profitt, li ssir b’mod komplementari mar-rimunerazzjoni. Għalhekk, b’mod ġenerali dan il-kunċett ma jimplika l-ebda riskju addizzjonali għall-impjegati. Jekk l-għan ikun li f’qasir żmien jinkiseb pakkett akbar ta' ishma, għandu jintuża finanzjament bi kreditu li jitħallas fuq seba’ snin mill-profitt tal-intrapriża.
3.3.3 Fir-rigward tas-suċċessjoni tal-intrapriża, meta jkun qed jitfassal qafas Ewropew għall-ġejjieni għandha ssir referenza espliċita wkoll għal mudell li ħalla l-frott, dak tal-kooperattivi. Jeżistu eżempji tal-aħjar prattika (ara l-Anness) għat-trasferiment permezz tal-impjegati fil-forma ta' kooperattiva. Dan jevita li l-kumpanija jkollha tagħlaq għaliex ma jkunx jista’ jinsab suċċessur. Il-KESE jqis li kwistjoni tant partikolari bħal dik tar-rabta bejn il-PFI u s-suċċessjoni tal-intrapriża għandha tiġi ttrattata f’dokument separat.
3.4 Il-kriżi tal-intrapriżi u l-parteċipazzjoni fil-kapital
3.4.1 L-intrapriżi wkoll jistgħu jgħaddu minn żminijiet diffiċli mil-lat finanzjarju. F’din is-sitwazzjoni, il-prijorità tkun li jiġi żgurat il-futur tal-intrapriża. Jekk ristrutturazzjoni jew kriżi tiġi indirizzata mill-imsieħba soċjali, f’dawn is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali għandu jkun possibbli li ssir parteċipazzjoni finanzjarja. Madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati l-iżvantaġġi potenzjali ta' din il-parteċipazzjoni. Hawnhekk tinħtieġ soluzzjoni sostenibbli li tippermetti lill-impjegati li żammew l-impjieg u r-rimunerazzjoni tagħhom (fid-dawl tal-flessigurtà u l-perijodi ta' qgħad u/jew ta' taħriġ mill-ġdid) jieħdu sehem fit-tul fl-irkupru tal-intrapriża u tal-ekonomija. Għalhekk, l-interess ġustifikat tal-impjegati fil-vijabbiltà ekonomika u b’hekk fis-suċċess fit-tul tal-intrapriża jkollu effett pożittiv.
3.4.2 Ħafna drabi, il-parteċipazzjoni finanzjarja fl-intrapriża li tagħti l-impjieg titqies bħala riskju doppju. B’hekk, dawk li jikkritikaw il-PFI dejjem jisħqu li f’każ ta' insolvenza, minbarra l-impjieg l-impjegati jkunu qed jirriskjaw ukoll il-kapital investit. Għandha ssir distinzjoni ċara bejn il-parteċipazzjoni fil-kapital li ma tmissx ir-rimunerazzjoni għax tkun komplementari mal-pagi (“on top”) u l-parteċipazzjoni li fiha t-tfaddil tal-impjegati jiġi investit fl-intrapriża li tagħti l-impjieg. Fl-aħħar każ, il-krediti tal-impjegati għandhom jingħataw prijorità, jiġifieri jiġu kkunsidrati qabel dawk ta' kredituri oħra f’każ ta' likwidazzjoni u/jew falliment. Barra minn hekk, għandhom ikomplu jiġu żviluppati soluzzjonijiet bħall-pooling tar-riskji u r-riassigurazzjoni.
3.5 Il-governanza tal-intrapriża u l-parteċipazzjoni fil-kapital
3.5.1 Irrispettivament mill-forom l-oħra ta' koġestjoni u l-involviment tal-impjegati fid-deċiżjonijiet tal-intrapriża, il-parteċipazzjoni fil-kapital – skont l-għamla tagħha – tista’ twassal għall-parteċipazzjoni fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, pereżempju permezz tad-dritt tal-vot tal-azzjonisti. F’każ li l-ishma jintużaw bħala parteċipazzjoni, id-dritt tal-vot tal-azzjonisti jista’ jintuża jew b’mod individwali jew b’mod kollettiv, pereżempju permezz ta' entità intermedjarja.
3.5.2 Il-kumpaniji li joħorġu ħafna ishma għall-impjegati għandhom grupp ta' azzjonisti esiġenti iżda paċenzjużi u leali, jiġifieri l-impjegati tagħhom stess. B’hekk l-intrapriżi jkunu jistgħu jirreżistu aħjar għat-tendenzi predominanti ta' perijodi qosra ta' żmien imposti mis-swieq finanzjarji. L-effett sekondarju pożittiv minn din il-forma ta' PFI huwa li jittieħdu deċiżjonijiet sostenibbli mill-intrapriżi u li tiġi kkunsidrata r-responsabbiltà soċjali fit-tul tal-intrapriżi (CSR) minflok li l-maniġers ikunu lesti jieħdu riskji żejda.
3.5.3 Il-parteċipazzjoni tal-impjegati bħala azzjonisti tippromovi interess fl-intrapriża għat-tul. Probabbilment ir-riżultat ta' dan huwa governanza tajba tal-intrapriża, li tikkontribwixxi biex l-intrapriża tibqa’ tinżamm fuq saqajha fit-tul.
3.5.4 Min jipparteċipa fl-intrapriża permezz tal-impjieg tiegħu stess naturalment ikun irid ukoll trasparenza sħiħa dwar iċ-ċifri tan-negozju u jkun jixtieq jieħu sehem fid-deċiżjonijiet tal-intrapriża. B’hekk, il-parteċipazzjoni bbażata fuq id-drittijiet tas-sjieda tal-ishma tikkomplementa l-parteċipazzjoni msejsa fuq id-drittijiet tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni.
3.6 Il-parteċipazzjoni fil-kapital u l-parteċipazzjoni fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet
3.6.1 Għall-kuntrarju tal-beżgħat frekwenti, speċjalment fl-intrapriżi li s’issa għad m’għandhomx parteċipazzjoni finanzjarja, il-PFI ma tillimitax l-awtonomija tal-intraprenditur, iżda pjuttost tappoġġjah fil-proċess tat-teħid d-deċiżjonijiet.
3.6.2 Għall-azzjonisti ta' intrapriża huwa ta' vantaġġ li jkunu jafu li flimkien magħhom m’hemmx biss azzjonisti oħra iżda wkoll impjegati tal-intrapriża, li għandhom l-istess għanijiet bħalhom. Il-parteċipazzjoni pożittiva permezz tad-drittijiet tas-sjieda u r-responsabbiltà marbuta magħhom ta' kull impjegat involut tista’ ssaħħaħ il-governanza tal-intrapriża (8), u l-possibbiltà li jsir skambju tal-proposti għall-istrateġija tal-intrapriża żżid l-alternattivi fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-intrapriża, fil-limiti mniżżlin hawn fuq. L-azzjonisti impjegati għandu jkollhom l-istess drittijiet bħall-azzjonisti l-oħra.
3.6.3 Fl-aħħar nett, għandu jiġi ċċarat li la d-drittijiet tal-kodeċiżjoni fl-Istati Membri kkonċernati u lanqas ir-relazzjoni kuntrattwali bejn l-impjegati u min iħaddem m’għandhom u ma jistgħu jinbidlu minħabba d-drittijiet tas-sjieda marbuta mal-PFI. Huma ma jintmessux mill-PFI.
4. Approċċ Ewropew: moduli għall-problemi u s-soluzzjonijiet prattiċi
L-iżvilupp u l-promozzjoni ta' mudell li jinfiehem u jiġi mmaniġġjat faċilment għall-PFI fl-Ewropa huma ta' importanza politika kbira għall-istrutturar taż-Żona Ekonomika u Soċjali Ewropea. Fil-prinċipju, il-parteċipazzjoni f’mudelli bħal dawn għandha tibqa’ volontarja kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegati. Il-finanzjament tagħhom għandu jsir jew b’mod komplementari ma' dak previst fil-ftehimiet kollettivi u/jew tax-xogħol jew inkella permezz tal-parteċiptazzjoni fil-profitt.
4.1 It-tendenza futura tal-PFI: nikkombinaw il-parteċipazzjoni fil-kapital mal-parteċipazzjoni fil-profitt
4.1.1 Fil-każ ta' parteċipazzjoni fil-profitt ibbażata fuq l-ishma b’perijodu ta' diferiment, għandha ssir distinzjoni bejn tliet stadji filwaqt li titqies it-tassazzjoni diferita:
— |
il-fażi inizjali tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-profitt tal-intrapriża; |
— |
it-tieni fażi, li fiha r-riżorsi akkumulati jiġu investiti fl-istokkijiet tal-kumpanija; |
— |
l-aħħar fażi, li fiha l-ishma miksuba jsiru disponibbli għall-impjegati. |
4.1.2 Diġà jeżistu forom ta' parteċipazzjoni fil-kapital li fihom l-akkwist tal-ishma permezz ta' fond fiduċjarju jiġi ffinanzjat minn parteċipazzjoni fil-profitt b’mod komplementari mal-pagi. Hawnhekk normalment tinħoloq entità intermedjarja separata (9) li tamministra l-ishma tal-impjegati bħala fond fiduċjarju. L-amministrazzjoni tal-entità intermedjarja għandha tkun l-espressjoni tal-azzjonisti impjegati kollha permezz ta' elezzjoni fuq bażi demokratika, mingħajr ma tiġi influwenzata mill-maniġment. Xi eżempji tal-aħjar prattika ta' entità intermedjarja huma: AUCHAN (10) (Franza); HOMAG AG (11) (il-Ġermanja); Pfalz Flugzeugwerke PFW Aerospace AG (12) (il-Ġermanja); Voestalpin AG (13) (l-Awstrija); il-Fondazzjoni Oktogen (14) (l-Isvezja); Herend-ESOP (15) (l-Ungerija); Tullis Russel ESOP (16) (ir-Renju Unit); Eircom-ESOP (17) u Aerlingus-ESOP (18) (l-Irlanda).
4.1.3 Sabiex l-entitajiet intermedjarji jkunu jistgħu jinfirxu aktar, għandhom jiġu eżaminati l-eżempji tal-aħjar prattika (ara wkoll l-Anness).
4.2 L-inċentivi fiskali u r-rikonoxximent reċiproku tal-kunċetti tal-PFI
4.2.1 Intwera (19) li l-inċentivi fiskali mhumiex indispensabbli għall-parteċipazzjoni tal-impjegati, iżda huma strument effettiv għall-promozzjoni tat-tixrid tagħha fil-pajjiżi li joffruha. Għalkemm l-inċentivi fiskali huma l-aktar strument li jintuża għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impjegati, il-ħolqien ta' mudell Ewropew li jimponi inċentivi fiskali vinkolanti jmur lil hinn mill-kompetenzi tal-UE u jkun f’kunflitt mal-awtoritajiet leġislattivi nazzjonali. Però, billi fir-realtà l-attivitajiet transkonfinali tal-intrapriżi u l-karrieri professjonali transkonfinali qed jiżdiedu, il-PFI ma tistax tinfirex madwar l-Ewropa daqs kemm huwa mixtieq jekk il-forom ta' PFI jibqgħu limitati għal-livell nazzjonali. Għalhekk, l-unika soluzzjoni biex titwettaq il-PFI fil-fergħat barranin sikwit tkun li jintefqu flejjes kbar fl-għarfien espert u b’hekk l-introduzzjoni tagħha tkun tant għalja li ħafna drabi l-idea tiġi abbandunata. Permezz ta' mudell ta' inċentivi uniformi, fakultattiv u sempliċi, li jkollu l-istess arranġamenti fiskali u l-istess livell ta' inċentivi madwar l-UE kollha, in-numru ta' intrapriżi li jkunu lesti jintroduċu l-PFI jista’ jiżdied b’mod konsiderevoli, għaliex b’hekk ikun faċli li jitfasslu skemi għal gruppi sħaħ ta' intrapriżi (20).
4.2.2 It-tassazzjoni diferita tista’ tittieħed bħala l-prinċipju bażi tal-iżgħar denominatur komuni biex jiġi propost mudell.
4.2.3 Qabel ma jinsab mudell Ewropew b’vantaġġi fiskali uniformi, għandhom isiru sforzi biex jinkiseb ir-rikonoxximent reċiproku tal-mudelli tal-Istati Membri individwali tal-UE. B’hekk il-PFI ssir aktar attraenti u fattibbli, mingħajr ma jkun hemm soluzzjoni Ewropea uniformi.
4.2.4 Minbarra l-inċentivi fiskali, l-intrapriżi jistgħu jagħtu wkoll inċentivi fil-forma ta' skontijiet.
4.3 Il-PFI fil-kooperattivi
4.3.1 Il-kooperattivi tal-produtturi huma eżempju tajjeb tal-PFI, speċjalment meta l-maġġoranza tal-ħaddiema jkunu kemm koproprjetarji kif ukoll impjegati. B’konformità mal-valuri u l-prinċipji rikonoxxuti madwar id-dinja kollha tal-kooperattivi, l-impjegati/membri kollha għandhom id-dritt mingħajr limiti li jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet (21). Meta l-impjegati jipposedu, jikkontrollaw u jimmaniġġjaw l-intrapriża tagħhom, l-esperjenza turi li l-garanzija ta' dawn id-drittijiet twassal għal riżultati ekonomiċi aħjar u żżid il-kapaċità ta' sopravivenza f’każ ta' kriżi, u b’hekk l-impjegati jkunu jistgħu jżommu l-impjiegi tagħhom fit-tul fl-ambjent reġjonali fejn jgħixu. Ir-rappreżentanza tal-interessi definita fil-liġi ser tinkoraġġixxi l-ħolqien ta' qafas għall-parteċipazzjoni finanzjarja msaħħa.
4.4 Il-PFI fis-Servizz Ċivili
4.4.1 Il-biċċa l-kbira tal-iskemi ta' parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kapital huma offruti f’kumpaniji bl-ishma jew f’kumpaniji b’responsabbiltà limitata, billi f’dawn il-każi l-implimentazzjoni tagħhom hija relattivament sempliċi. Xi forom ta' intrapriżi, speċjalment fil-qasam nonkummerċjali, u b’hekk anke l-impjegati tagħhom, huma esklużi minn din il-possibbiltà (is-Servizz Ċivili, intrapriżi mingħajr skop ta' qligħ) jew huwa diffiċli ħafna għalihom li joffru skema ta' PFI (assoċjazzjonijiet, fondazzjonijiet, eċċ.). F’dawn l-oqsma hemm għadd kbir ta' intrapriżi, u b’hekk ta' impjegati, li bħalissa m’għandhomx aċċess għall-PFI.
4.4.2 Għaldaqstant, mingħajr ħsara għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-għan għandu jkun li jinħoloq mudell li joffri l-possibbiltà tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati lil kull grupp vokazzjonali u lil kull forma ta' intrapriża, filwaqt li titqies is-sitwazzjoni speċjali tas-settur pubbliku.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Għal aktar tagħrif ara: D. Vaughan-Whitehead, The Minimum Wage Revisited in the Enlarged EU, 2010, Edward Elgar-ILO.
(2) 92/443/KEE.
(3) COM(2002) 364 finali.
(4) The PEPPER IV Report – Assessing and Benchmarking Financial Participation of Employees in the EU-27, Berlin, 2009; http://www.eurofound.europa.eu/areas/participationatwork/pepperreports.htm. Is-sommarju bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bl-Ingliż huwa disponibbli hawnhekk: http://www.intercentar.de/en/research/focus-financial-participation-of-employees/.
(5) Ir-riżultati jinsabu f’J. Lowitzsch et al., Financial participation for a new Social Europe (Il-Parteċipazzjoni Finanzjarja għal Ewropa Soċjali Ġdida), Berlin/Pariġi/Brussell 2008; Ruma 2009, Krakau 2010; dawn ir-riżultati huma disponibbli bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bl-Ingliż minn hawnhekk: http://www.intercentar.de/en/research/focus-financial-participation-of-employees/.
(6) Dan l-aspett kienet diġà enfasizzatu l-Kummissjoni fir-Rakkomandazzjoni tagħha dwar it-trasferiment tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju, 94/1069/KE; u mbagħad ikkonfermatu wkoll fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trasferiment tal-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju (ĠU C 93, 28.3.1998, p. 2). (Dawn id-dokumenti mhumiex disponibbli bil-Malti.).
(7) Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi (COM(2006) 117 finali).
(8) B’hekk, l-Awstrija pereżempju, teżisti l-possibbiltà li l-PFI tieħu s-sura ta' entità intermedjarja.
(9) Fl-Ewropa kontinentali normalment din tkun kumpanija b’responsabbiltà limitata, fondazzjoni jew assoċjazzjoni, u fil-pajjiżi Anglo-Amerikani normalment tkun trust.
(10) Għan: il-promozzjoni tal-lealtà u l-motivazzjoni tal-impjegati; ara http://www.groupe-auchan.com/emploi.html.
(11) Għan: il-finanzjament tat-tkabbir; ara http://www.homag.com/de-de/career/Seiten/mitarbeiterkapitalbeteiligung.aspx.
(12) Għan: effett ġenerattiv tal-EADS; ara: http://www.netz-bund.de/pages/mitarbges.pdf, minn paġna 32 ’il quddiem.
(13) Għan: il-privatizzazzjoni u l-parteċipazzjoni strateġika; ara: http://www.voestalpine.com/annualreport0809/en/management_report/employees.html.
(14) Għan: il-promozzjoni tal-lealtà u l-motivazzjoni tal-impjegati; ara: Handelsbanken, Rapport Annwali 2009, http://www.handelsbanken.se/shb/inet/icentsv.nsf/vlookuppics/investor_relations_en_hb_09_eng_ar_rev/$file/hb09eng_medfoto.pdf, p. 53, 56.
(15) Għan: il-privatizzazzjoni kif ukoll il-promozzjoni tal-lealtà u l-motivazzjoni tal-impjegati; ara: http://www.herend.com/en/manufactory/story/, mingħajr dettalji dwar l-ESOP, ara s-sena 1992.
(16) Għan: is-suċċessjoni tal-intrapriża; ara: http://www.tullis-russell.co.uk/group/about/.
(17) Għan: il-privatizzazzjoni u l-parteċipazzjoni strateġika; ara: http://www.esop.eircom.ie/.
(18) Għan: il-privatizzazzjoni u l-parteċipazzjoni strateġika; ara: http://www.aerlingus.com/aboutus/investorrelations/shareregister/.
(19) Ara r-Rapport PEPPER IV, l-Ewwel Parti, Kapitolu IV, p. 56-58.
(20) Ara Thyssen Krupp: http://www.thyssenkrupp.com/de/investor/belegschaftsaktie.html.
(21) Ara, pereżempju, ir-Rakkomandazzjoni 193 tal-ILO dwar il-promozzjoni tal-kooperattivi.
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/8 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-bidliet u l-prospettivi għall-industrija tax-xogħol tal-metall” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 51/02
Relatur: is-Sur RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO
Korelatur: is-Sur GIBELLIERI
Nhar is-16 ta' Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Il-bidliet u l-prospettivi tal-industrija tax-xogħol tal-metall.
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta' Settembru 2010.
Minħabba t-tiġdid tal-mandat tal-Kumitat, l-Assemblea Plenarja ddeċidiet li tieħu pożizzjoni fuq din l-opinjoni waqt is-sessjoni plenarja ta' Ottubru, u ħatret lis-Sur Rodríguez Garcia-Caro bħala relatur ġenerali b'konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta' Proċedura.
Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta' Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'72 voti favur u 8 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Rilevanza strateġika
L-industrija tax-xogħol tal-metall taqdi rwol assolutament ewlieni fil-mixja lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, b'konformità mal-objettivi tal-Istrateġija UE 2020. L-objettiv li tiżdied l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi hija sfida għas-settur u fl-istess ħin tirrappreżenta opportunità kummerċjali: l-industrija tax-xogħol tal-metall ser ikollha rwol essenzjali x'taqdi fil-ħolqien ta' ekonomija li tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi. L-industrija tax-xogħol tal-metall hija settur robust li joħloq ammont sinifikanti ta' impjiegi u hija industrija ewlenija għall-ħolqien tal-valur miżjud. Is-settur iservi biex isaħħaħ il-katina tal-valur Ewropea u huwa ħolqa importanti fil-katina tal-valur biex tinħoloq ekonomija li tagħmel użu effiċjenti tar-riżorsi.
1.2 L-industrija tax-xogħol tal-metall hija wkoll settur importanti ħafna għall-innovazzjoni u bħala provveditur, b'mod partikolari fir-rigward tal-inizjattiva “Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi” li għandha l-għan li tissepara t-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi, li tappoġġja ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, li żżid l-użu tas-sorsi rinnovabbli tal-enerġija, li timmodernizza s-settur tat-trasport u li tippromovi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.
1.3 Viżibbiltà
Il-profil tal-industrija tax-xogħol tal-metall mhuwiex viżibbli biżżejjed.
1.4 L-industrija tax-xogħol tal-metall m'għandhiex tiġi konfuża mal-produzzjoni tal-metall. Fil-pubblikazzjoni “European Facts and Figures” (Fatti u ċifri Ewropej) tal-Eurostat, il-manifattura tal-ħadid, tal-azzar u tal-ligi tal-metall (Nace 27) u l-attivitajiet tal-manifattura ta' prodotti tal-metall, fil-qosor, l-industrija tax-xogħol tal-metall (Nace 28) huma analizzati flimkien. Dan jagħmilha diffiċli ħafna biex ikun hemm analiżi preċiża tal-impjiegi u tat-tendenzi industrijali fl-industrija tax-xogħol tal-metall. Din l-inviżibbiltà tal-industrija tfisser li l-valutazzjonijiet tal-impatt ma jikkunsidrawx biżżejjed l-implikazzjonijet mikroekonomiċi ewlenin ta' regolamenti ġodda fis-settur. Huwa essenzjali li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-potenzjal tagħha, b'mod partikolari fil-qasam tat-tkabbir tal-esportazzjoni, u biex jinsiltu tagħlimiet prattiċi mill-kultura intraprenditorjali u innovattiva tagħha.
1.4.1 Għaldaqstant, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tqis din il-fergħa tal-industrija downstream, f'termini tal-organizzazzjoni tagħha u l-allokazzjoni tar-riżorsi umani, u biex ittejjeb il-livell ta' rappreżentanti tal-industrija u l-kuntatti fi ħdan id-DĠ Industrija u Intraprenditorija u d-DĠ Kummerċ b'tali mod li dan jikkorrispondi mal-piż speċifiku u l-kapaċità ta' ħolqien ta' impjiegi tagħha, li tirrappreżenta 4,3 miljun impjieg fl-Unjoni Ewropea. Għal din ir-raġuni, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tipprovdi lill-industrija tax-xogħol tal-metall rappreżentazzjoni formali aħjar fis-servizzi u l-attivitajiet tal-Kummissjoni (pereżempju fid-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina).
1.5 L-applikazzjoni tal-prinċipju “l-ewwel aħseb fiż-żgħir” tista' toħloq il-kondizzjonijiet it-tajba għal dan.
Il-piż amministrattiv biex l-awtoritajiet jingħataw id-data mitluba skont ir-Regolamentazzjoni lokali u tal-UE huwa oneruż. B'riżultat ta' dan, il-ħajja mhux qed issir aktar faċli għall-SMEs. Barra minn hekk, fid-dawl tal-klima ta' investiment ġenerali f'ħafna pajjiżi, qed isir dejjem aktar faċli, konvenjenti u ta' vantaġġ ekonomiku biex il-kumpaniji jixtru parti mill-prodotti tagħhom barra l-UE, minflok iżidu l-produzzjoni biex jiżviluppaw it-teknoloġija u biex jinvestu fl-innovazzjoni. Prattiki bħal dawn ser jikkompromettu l-kompetittività fit-tul u jbiegħdu lit-tekniċi żgħażagħ.
Il-KESE jħeġġeġ biex il-prinċipju “l-ewwel aħseb fiż-żgħir” jiġi kkunsidrat b'mod effettiv fl-applikazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 fil-qasam tal-politika industrijali, kif ġie ddikkjarat fil-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2010 u fil-Komunikazzjoni li jmiss dwar aġenda ta' politika industrijali għall-Ewropa, li hija appoġġjata mill-inizjattiva prominenti “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni”.
1.5.1 Il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ kruċjali għall-intraprendituri fil-livelli kollha, biex b'hekk il-proċeduri għat-twaqqif ta' negozji jkunu eħfef u titrawwem l-intraprenditorija.
Il-politiki soċjali u ta' impjieg huma aspett ieħor importanti tal-kondizzjonijiet ġenerali li taħthom joperaw il-kumpaniji. Il-KESE jitlob lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien – b'mod partikolari fil-qasam tal-politika soċjali – biex joħolqu ambjent li jappoġġja aktar it-tkabbir tal-kumpaniji kompetittivi u ta' qligħ, peress li dawn jagħmluha possibbli li jkun hemm impjiegi sostenibbli fl-industrija tal-metall fl-Ewropa. Huwa importanti li jiġi żgurat li l-industrija tkun tista' tantiċipa bidliet kummerċjali jew bidliet fl-istrateġija tal-klijenti jew fil-produzzjoni tal-materjali permezz tad-djalogu soċjali, il-provvediment ta' informazzjoni u konsultazzjoni effettiva u f'waqtha. F'dan il-qasam, jistgħu jiġu promossi l-iskambji bejn l-Istati Membri tal-UE u l-atturi soċjali, bil-għan li jitgħallmu minn xulxin u jidentifikaw strumenti effettivi, kif ukoll ir-rwol tal-flessigurtà.
1.6 Persunal tas-sengħa, l-antiċipazzjoni tal-bżonnijiet ta' taħriġ u l-iżgurar li s-settur jistabilixxi kuntatt maż-żgħażagħ
Fid-dawl tad-daqs medju tal-kumpaniji, qed isir dejjem aktar importanti li jkun hemm disponibbli biżżejjed persunal tas-sengħa. Għaldaqstant, il-miżuri biex jingħeleb in-nuqqas ta' persunal tas-sengħa, kemm jekk apprendisti ta' kalibru għoli, ħaddiema kwalifikati, persunal tekniku, inġiniera jew riċerkaturi, kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ (kemm formali kif ukoll professjonali) adegwat tal-persunal jirrappreżentaw kwistjoni ta' importanza ewlenija.
1.6.1 Il-KESE jenfasizza li huwa essenzjali li ssir ħidma fil-livelli kollha biex titjieb l-immaġni tal-industrija u biex jinġibdu aktar żgħażagħ lejn l-industrija. Huwa essenzjali li jiġi żgurat li settur li relattivament jirrikjedi ħafna ħaddiema jkun jista' jżomm u, jekk possibbli, jaġġorna l-forza tax-xogħol tiegħu, kemm f'termini ta' kwantità kif ukoll ta' kwalità. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-possibbiltà li twettaq studju madwar l-Ewropa kollha dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet tekniċi meħtieġa fl-industrija tax-xogħol tal-metall bil-għan li tantiċipa l-bżonnijiet ta' taħriġ. Dan jista' jkun dokument ta' referenza ewlieni biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn is-settur u l-universitajiet tekniċi u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ professjonali. Il-KESE jirrakkomanda li d-djalogu soċjali Ewropew li ġie stabbilit reċentement għall-industrija tax-xogħol tal-metall għandu jmexxi u jiddirieġi dan l-istudju, billi tiġi analizzata kull opportunità għal skambju ta' informazzjoni li hija kkunsidrata utli għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-SMEs u tal-impjegati tagħhom.
1.7 Innovazzjoni
Biex ir-riċerka u l-iżvilupp jirnexxu, il-kooperazzjoni bejn il-produtturi tal-metall u l-industrija tax-xogħol tal-metall hija ta' importanza partikolari. Jeħtieġ li jiġu allokati aktar fondi Ewropej għall-industriji tal-produzzjoni tal-metall u tax-xogħol tal-metall u b'mod partikolari għall-qasam tat-teknoloġija tal-materjal u n-nanoteknoloġija bil-għan li jitjiebu l-proprjetajiet mekkaniċi tal-materjali tal-metall fir-riċerka korporattiva u b'hekk titjieb u tiġi promossa l-kompetittività u l-innovattività tal-industrija. Il-KESE jirrakkomanda li meta tkun qed tiġi stabbilita l-istruttura tat-Tmien Programm Qafas, l-awtoritajiet Ewropej u b'mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jiffaċilitaw l-aċċess ġenerali għall-proġetti. Għandha tiġi appoġġjata b'mod partikolari l-kooperazzjoni mal-SMEs peress li dawn għandhom riżorsi umani limatati li bihom jistgħu jidentifikaw, jippreżentaw u jmexxu 'l quddiem proġetti potenzjali ta' innovazzjoni.
1.7.1 Fid-dawl tal-fatt li, b'mod ġenerali, l-innovazzjoni fl-industrija ma tirriżultax biss minn għarfien xjentifiku ġdid biss iżda pjuttost minn firxa ta' forom ta' innovazzjoni, bħal pereżempju l-kunċetti ġodda għal-loġistika jew għall-kummerċjalizzazzjoni, l-innovazzjoni organizzattiva, l-innovazzjoni fil-mudell kummerċjali u d-disinn tal-prodott, il-KESE jitlob li jkun hemm politiki innovattivi tal-UE biex jirriflettu dan aħjar.
1.7.2 Peress li d-disinn u l-iżvilupp tal-prodott jiġu trasferiti 'l isfel jew 'il fuq fil-katina tal-produzzjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-kwistjoni tal-falsifikazzjoni qed isiru sfidi dejjem akbar. Ftit huma dawk il-kumpaniji tax-xogħol tal-metall li jistgħu jinvestu r-riżorsi li l-kumpaniji l-kbar jallokaw għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tagħhom.
1.8 Nuqqas ta' immaġni
L-industrija tax-xogħol tal-metall jonqosha immaġni. Il-kompitu ta' din l-industrija huwa li tipprovdi immaġni adegwata għas-settur u l-opportunitajiet tiegħu u l-appoġġ tal-awtoritajiet F'dan ir-rigward ikun ta' benefiċċju. Għal dan il-għan, il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej janalizzaw il-kondizzjoni tas-settur mil-lat tar-rwol tiegħu bħala barometru industrijali u indikatur affidabbli tal-“istat ta' saħħa” tal-katina tal-produzzjoni industrijali kif ukoll mil-lat tal-kontribut tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju lejn l-istat ta' saħħa tiegħu.
L-industrija u l-proġetti industrijali b'mod ġenerali mhumiex aċċettati ħafna minħabba l-fatt li, għal għexieren ta' snin, inxteħet dawl negattiv fuq l-industrija. Il-politika, l-industrija u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jaħdmu flimkien b'modi ġodda biex jiżguraw li l-kumpaniji jkollhom immaġni aħjar u biex jintwera li qed jikkonformaw mar-rekwiżiti legali kollha.
1.9 Politika kummerċjali
Kemm id-DĠ Kummerċ kif ukoll id-DĠ Industrija u Intraprenditorija għandu jkollhom biżżejjed għarfien tal-industrija tax-xogħol tal-metall u jadottaw approċċ ibbilanċjat huma u jieħdu miżuri li għandhom impatt fuq il-kumpaniji f'dan is-settur. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tieħu l-miżuri adatti u li, hija u tieħu deċiżjonijiet dwar setturi speċifiċi, tqis l-interess tal-Komunità u l-impatt sussegwenti fil-livelli kollha tal-katina tal-valur u n-nisġa industrijali b'mod ġenerali. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiddefendi l-prinċipju tar-reċiproċità, b'mod partikolari fil-politika kummerċjali, fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi.
1.10 Clusters
Hemm interess ċar li tiġi żviluppata viżjoni għas-settur tax-xogħol tal-metall, abbażi tal-bosta clusters li jeżistu madwar l-Unjoni Ewropea. Fosthom diġà ġew identifikati dawn li ġejjin: il-Pajjiż Bask (Spanja), Brescia (l-Italja), Fjandri (il-Belġju), il-Litwanja, il-Pajjiżi tal-Loire (Franza), is-Silesia (il-Polonja), il-Westphalia tan-Nofsinhar (il-Ġermanja), Vorarlberg (l-Awstrija) u Valencia (Spanja). Madankollu, għandha ssir aktar riċerka bil-għan li jiġu valutati l-implikazzjonijiet, it-tendenzi ewlenin, il-bidliet fin-nisġa industrijali u l-opportunitajiet għal benchmarking komparattiv fl-oqsma differenti.
1.11 Finanzjament
Il-KESE jilqa' enfasi aktar b'saħħitha fuq il-bżonn li jiġu provduti mekkaniżmi adatti ta' likwidità għall-industrija tal-manifattura, b'mod partikolari għall-SMEs f'dan is-settur. Dan jista' jwassal għal prattiki aħjar madwar l-Ewropa.
2. Introduzzjoni
2.1 It-Trattat ta' Lisbona jipprovdi lill-Unjoni Ewropea b'qafas operattiv ġdid; bdiet taħdem Kummissjoni Ewropea ġdida u beda mandat ġdid fil-Parlament Ewropew fl-2009. Sadanittant, l-Unjoni Ewropea b'mod ġenerali u l-bażi Ewropea tal-manifattura b'mod partikolari qed jiffaċċjaw dinamika globali u sfidi li qatt ma ffaċċjaw qabel it-twaqqif tal-UE.
2.2 Jeħtieġ li dawn l-isfidi jiġu indirizzati b'mod deċiżiv biex ma jkomplux jiżdiedu l-qgħad, il-qerda dejjem akbar tal-istruttura intraprenditorjali u tal-manifattura u t-telf li qiegħed dejjem jikber tal-kunfidenza tal-pubbliku.
2.3 Permezz ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-industrija tax-xogħol tal-metall fl-Ewropa, il-KESE beħsiebu jipprovdi xi tweġibiet possibbli għal dawn il-mistoqsijiet li, fuq tul ta' żmien, ser ikunu deċiżivi għaż-żamma tas-saħħa innovattiva, tar-reżistenza ekonomika u tal-pożizzjoni kompetittiva globali tal-industrija tax-xogħol tal-metall fl-Ewropa. Is-CCMI qed teżamina l-isfidi u l-opportunitajiet għas-settur li qed joħorġu fid-dieher mill-bidla lejn ekonomija sostenibbli u użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, kif definit fl-Istrateġija UE 2020.
2.4 Dawn il-mistoqsijiet jinkludu: kif qed jiġu ġestiti dawn l-isfidi? L-istituzzjonijiet tal-UE ser ikunu f'pożizzjoni li jindirizzawhom? Fejn jistgħu jkunu ta' valur miżjud? L-“ Ewropa 2020 – Stateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” hija r-riċetta t-tajba għas-suċċess?
3. Il-prodotti tal-metall jinsabu kullimkien
3.1 Il-kumpaniji tax-xogħol tal-metall jinsabu kullimkien madwar l-UE, kważi f'kull reġjun u belt fl-Ewropa. Huma flessibbli, innovattivi, (relattivament) żgħar, prammatiċi, orjentati lejn is-servizzi u joħolqu (u jżommu) l-impjiegi. Tant huma marbutin mal-katina ta' provvista industrijali li aħna familjari magħha li sikwit ma jiġux apprezzati. L-ewwel passi favur it-titjib, b'mod partikolari l-ewwel studju madwar l-Ewropa li ġie ppubblikat reċentement mill-Kummissjoni Ewropea, ittieħdu u għandhom jintlaqgħu. Madankollu, xi kumpaniji fis-settur tax-xogħol tal-metall, sa ċertu punt, baqgħu invisibbli għall-pubbliku, forsi minħabba d-daqs, id-diversità, il-versatilità u l-kapaċità tan-negozji tagħhom.
3.2 Din l-inviżibbiltà hija riflessa pereżempju fil-pubblikazzjoni tal-European Facts and Figures (Fatti u ċifri Ewropej) tal-Eurostat fejn il-manifattura tal-ħadid, tal-azzar u tal-ligi tal-metall (Nace 27) u l-attività tal-manifattura ta' prodotti tal-metall, fil-qosor, ix-xogħol tal-metall (Nace division 28) huma analizzati flimkien. Dan jagħmilha diffiċli ħafna biex jiġu analizzati b'mod adatt l-impjiegi u t-tendenzi industrijali fis-settur tax-xogħol tal-metall b'mod separat.
3.3 Din l-inviżibbiltà ma tistax tibqa' tiġi ġġustifikata. Is-settur tax-xogħol tal-metall huwa r-rabta fundamentali “moħbija”, li tinsab fil-qofol tal-katina tal-provvista tal-manifattura tal-UE, u minkejja d-daqs relattivament żgħir tal-unitajiet individwali tiegħu kiseb ċifri impressjonanti immens fl-ekonomija Ewropea.
3.4 Id-data li ġejja turi fil-qosor id-daqs u l-importanza strateġika tas-settur tax-xogħol tal-metall għall-ekonomija u l-forza tax-xogħol tal-Ewropa.
3.4.1 |
Jiġbor fih numru kbir ta' SMEs: 400 000 kumpanija tax-xogħol tal-metall madwar l-Ewropa, li l-biċċa l-kbira tagħhom (madwar 95 %) jimpjegaw anqas minn 50 persuna. |
3.4.2 |
L-industrija tax-xogħol tal-metall tipprovdi impjiegi madwar l-Ewropa: 4,2 miljun persuna taħdem fl-industrija tax-xogħol tal-metall, jiġifieri madwar 12 % tal-impjieg totali fil-manifattura. |
3.4.3 |
Hija industrija li tiġġenera l-impjieg: ta' min jinnota li tul dawn l-aħħar għaxar snin, għall-kuntrarju ta' ħafna mis-setturi l-oħrajn, ir-rati tal-impjieg fl-industrija fl-Ewropa żdiedu b'mod konsistenti sa qabel il-kriżi ekonomika reċenti. Pereżempju, l-impjieg fl-industrija żdied b'madwar 8 % bejn l-2000 u l-2006. |
3.4.4 |
Din l-industrija tirrappreżenta settur ekonomiku mdaqqas: il-valur tal-produzzjoni (fl-2008) ġie stmat għal EUR 530 biljun. |
3.4.5 |
Din l-industrija taqdi rwol ewlieni fin-nisġa industrijali tal-UE, billi tipproduċi komponenti għal industriji oħra. |
4. L-importanza strateġika tal-industrija tax-xogħol tal-metall
4.1 Ħolqa fundamentali fil-katina tal-provvista
L-industrija Ewropea tax-xogħol tal-metall hija ħolqa fundamentali fil-katina tal-provvista tal-manifattura Ewropea, billi tipproduċi komponenti u prodotti lesti għas-setturi l-oħra kollha tal-manifattura.
— |
Essenzjalment, il-komponenti huma fornuti lill-industriji tal-karozzi, tal-ajruspazju, tat-trasport u tal-inġinerija, u b'mod partikolari tal-inġinerija mekkanika, u dan huwa element ewlieni biex is-settur jimxi lejn ekonomija li tiġġestixxi r-riżorsi b'mod aktar effiċjenti. |
— |
Il-profili u l-pjanċi tal-azzar huma essenzjali għall-industrija tal-inġinerija ċivili (bini b'qafas tal-azzar, staneg għar-rinforz, infrastruttura ta' oqfsa tal-azzar, kisi tal-bini, hardware, eċċ.). |
— |
Riċipjenti għall-industriji tal-ipproċessar, bħall-ikel, il-farmaċewtiċi, il-kimiċi u l-petrokimiċi, eċċ. |
— |
Prodotti bħal sikkaturi (viti, skorfini, boltijiet) u għodda li tintuża kemm mill-industrija kif ukoll mill-konsumaturi. |
4.2 Industrija f'saħħitha
Is-settur tax-xogħol tal-metall huwa settur strutturalment f'saħħtu li m'għandux kapaċità żejda eċċessiva.
4.3 Settur li joħloq l-impjiegi
Is-settur tax-xogħol tal-metall jimpjega madwar 12 % tal-forza tax-xogħol kollha fil-qasam tal-manifattura fl-EU27 u jiġbor fih madwar wieħed minn ħamsa tal-intrapriżi kollha tal-manifattura li joperaw fl-UE27.
4.4 Settur li jiġġenera valur miżjud
Is-settur Ewropew tax-xogħol tal-metall jipprovdi 10 % tal-valur miżjud totali tal-manifattura fl-UE27, filwaqt li (fl-2006) kien responsabbli għal 7,4 % tal-produzzjoni tal-manifattura f'dan ir-rigward, is-settur tax-xogħol tal-metall (il-produzzjoni operattiva gross u d-dħul tal-manifattura) huwa xempju ta' valur miżjud Ewropew, li għandu prestazzjoni ħafna aħjar minn setturi oħra tal-manifattura.
4.5 Settur kbir magħmul minn kumpaniji żgħar
Is-settur Ewropew tax-xogħol tal-metall huwa settur ewlieni tal-manifattura fih innifsu għalkemm (jew forsi għax) huwa magħmul b'mod predominanti minn varjetà kbira ta' kumpaniji individwali li l-biċċa l-kbira tagħhom huma żgħar (1) (aktar minn 90 % tal-intrapriżi huma żgħar u ta' daqs medju u huma kumpaniji tal-familja). Barra minn hekk, f'ħafna pajjiżi – il-Ġermanja hija l-unika eċċezzjoni – is-settur huwa ddominat minn intrapriżi mikro (10 jew inqas impjegati), u dan jgħodd għal 80 % tal-intrapriżi F'dan is-settur (2006).
4.6 Settur li jsaħħaħ il-katina tal-provvista Ewropea
4.6.1 L-istruttura industrijali tas-settur tax-xogħol tal-metall probabbilment mhijiex dovuta għal fattur każwali, iżda pjuttost għal adattament prattiku għall-bżonnijiet tas-suq, li fl-aħħar mill-aħħar sawru l-katina tal-provvista tal-manifattura fl-Ewropa biex jiġu pprovduti l-flessibbiltà, l-innovattività u l-funzjoni speċjalizzata meħtieġa li bihom għandha biex tiftaħar l-industrija tax-xogħol tal-metall tal-lum il-ġurnata. f'dan ir-rigward, il-profil żgħir u ta' daqs medju ta' kumpanija medja tax-xogħol tal-metall m'għandux jiġi interpretat bħala dak li wieħed jista' jara bħala dgħufija iżda, għall-kuntrarju, bħala vantaġġ relattiv.
4.6.2 Dan huwa aktar minnu peress li r-riċerka turi li l-industrija Ewropea tax-xogħol tal-metall hija, u sa ċertu punt ser tibqa', settur tal-SMEs. Fil-fatt, dawn qed jiċkienu meta mqabbla mal-imsieħba l-kbar tagħhom tal-katina tal-provvista li, għall-kuntrarju tal-industrija tax-xogħol tal-metall, huma involuti fi proċess kbir ta' konsolidazzjoni. B'kuntrast, l-opportunitajiet għall-konsolidazzjoni fi ħdan is-settur tax-xogħol tal-metall, b'mod ġenerali u minħabba raġunijiet strutturali, huma limitati ħafna.
4.6.3 Hemm bżonn ta' kooperazzjoni mill-qrib f'kull stadju fil-katina tal-provvista. F'dan ir-rigward, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri janalizzaw il-kwistjoni importanti li titjieb is-sħubija u tiżdied il-kooperazzjoni fil-katina kollha, u jirrakkomanda b'mod partikolari l-ħolqien ta' mezzi li permezz tagħhom is-settur tax-xogħol tal-metall ikun jista' jidentifika u jinfluwenza l-iżvilupp ta' kwalitajiet u kategoriji ġodda ta' azzar, skont ir-rekwiżiti meħtieġa.
4.7 Settur li jinsab f'pożizzjoni intermedja
Fir-rigward tad-daqs u l-ekonomiji ta' skala, ir-relazzjonijiet tal-industrija tax-xogħol tal-metall mal-klijenti u l-provvedituri tagħha ser isiru dejjem aktar asimetriċi fis-snin li ġejjin. B'riżultat ta' dan, l-industrija tax-xogħol tal-metall qed issib lilha nnifisha (dejjem aktar) f'pożizzjoni intermedja, pożizzjoni li tnaqqsilha l-ambitu li tikkontrolla d-destin tagħha stess u li tinfluwenza l-ambjent kummerċjali tagħha. Din is-sitwazzjoni toħloq pressjoni dejjem akbar fuq l-ispejjeż fissi u l-kwalità tal-impjiegi fis-settur.
4.8 Tweġibiet għall-futur ibbażati fuq analiżi preċiża
Abbażi ta' dawn l-elementi strateġiċi, l-għan ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li tislet tweġibiet mill-esperjenza reali tal-industrija tal-metall, industrija b'kumpaniji u clusters li jsaħħu kull reġjun ewlieni Ewropew b'impjiegi, taħriġ u opportunitajiet. Settur versatili, reżistenti u innovattiv b'kapaċità straordinarja li jadatta u jżomm l-impjiegi fl-iktar ċirkostanzi varjati, li jista' jservi ta' mudell biex jiġu identifikati r-risposti għall-isfidi fil-ġejjieni u b'mod partikolari kif tista' tiġi appoġġjata l-bidla.
5. X'hemm bżonn li jsir fil-livell Ewropew
5.1 L-industrija tax-xogħol tal-metall: rebbieħa tal-SMEs
5.1.1 Għalkemm hemm differenzi reġjonali f'termini assoluti (pereżempju l-kumpaniji tax-xogħol tal-metall Ġermaniżi għandhom tendenza jkunu akbar meta mqabbla ma' kumpaniji fil-bqija tal-UE), is-settur tax-xogħol tal-metall, relattivament għad-daqs tas-setturi ekonomiċi l-oħra, huwa kkaratterizzat b'mod ċar mill-preżenza predominanti u mifruxa tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.
5.1.2 Il-KESE jħoss li dan l-aspett m'għandux sempliċement jiġi rikonoxxut u mbagħad jitwarrab mill-politiki mingħajr iktar azzjoni. L-analiżi reċenti wriet li dan l-aspett distint tal-SMEs m'għandux jiġi kklassifikat bħala karatteristika marġinali tas-settur tax-xogħol tal-metall jew bħala attribut każwali, iżda bħala fattur kruċjali għas-saħħa tas-settur.
5.1.3 Il-KESE jħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea biex teżamina l-attributi ewlenin kollha tal-industrija fid-detall, u biex tidentifika b'mod ċar u preċiż liema aspetti tas-settur tax-xogħol tal-metall huma ta' benefiċċju, jikkostitwixxu l-vantaġġi ewlenin tiegħu u konsegwentement jirrappreżentaw fatturi għal valur miżjud fi ħdan il-katina tal-manifattura tal-UE.
5.1.4 L-Unjoni Ewropea għalhekk għandha tipprovdi politiki Ewropej adatti għall-SMEs biex jiġu indirizzati dawn il-bżonnijiet speċifiċi. Għandhom jitfasslu l-aqwa prattiki u politiki, u fejn meħtieġ billi jintużaw għodod ta' benchmarking, biex jiġu akkomodati l-bżonnijiet speċifiċi tal-SMEs Ewropej fil-qasam tax-xogħol tal-metall. Dan għandu jtejjeb u jappoġġja l-kwalitajiet u l-punti b'saħħithom tas-settur u jappoġġjah biex iżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala r-rebbieħ tal-SMEs Ewropej tal-manifattura.
5.1.5 Barra minn hekk, dan l-istudju bbażat fuq il-vantaġġi tas-settur jista' jservi wkoll biex jikkonferma li huwa wieħed mill-ixpruni tal-manifattura innovattiva fl-Ewropa, biex jenfasizza s-saħħiet tiegħu u jsaħħaħ l-immaġni tiegħu, ħaġa li hija meħtieġa ħafna jekk is-settur irid jiġbed il-ħaddiema (b'mod partikolari liż-żgħażagħ). Tinħtieġ viżjoni politika biex il-manifattura Ewropea tiġi ppożizzjonata fil-qasam politiku bħala settur li joħloq l-impjiegi u bħala innovatur fi ħdan il-katina tal-manifattura.
Fi żmien meta bosta amministrazzjonijiet madwar l-Ewropa qed jagħmlu wegħdiet teoretiċi, retoriċi u sikwit vagi dwar l-importanza tal-SMEs Ewropej, huwa importanti li jiġu definiti b'mod preċiż u bl-eżatt il-miżuri prattiċi, fattibbli u realistiċi mfassla biex dan is-settur ewlieni jinfiehem, jissaħħaħ u jiġi appoġġjat minflok ma jiġu stabbiliti approċċi vagi u applikabbli għal kulħadd.
5.1.6 Peress li l-kumpaniji fis-settur huma ta' daqs medju, ħafna mill-impjegati fl-industrija tax-xogħol tal-metall m'għandhomx aċċess għall-kunsilli Ewropej tax-xogħol jew netwerks Ewropej simili biex jirrappreżentaw l-interessi tagħhom. Madankollu, ħafna mill-kumpaniji fis-settur diġà qed jaħdmu bħala parti mill-katina tal-valur Ewropea jew għandhom kompetituri f'kumpaniji oħra fis-settur li joperaw minn barra l-UE. B'riżultat ta' dan, il-paga, is-sigħat u l-kondizzjonijiet tax-xogħol sikwit ikunu soġġetti għal kompetizzjoni diretta. Bil-għan li jiġu evitati varjazzjonijiet fl-ammont ta' informazzjoni provduta, il-KESE jirrakkomanda li l-informazzjoni tingħata kif xieraq u f'waqtha, il-konsultazzjoni tal-impjegati u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali. Fid-dawl tal-għadd ta' nies li jaħdmu fl-SMEs fl-Ewropa, il-politika Ewropea għandha tkun tista' tissodisfa l-bżonnijiet ta' dawn l-impjegati.
5.2 Id-disponibbiltà tal-materja prima, b'mod partikolari l-azzar
5.2.1 L-iżgurar tad-disponibbiltà tal-materja prima bi prezzijiet ġusti hija kwistjoni ewlenija għall-industrija tax-xogħol tal-metall, peress li l-impatt tal-materja prima f'suq trasformat u globalizzat qed jiżdied.
5.2.2 Il-kumpaniji tax-xogħol tal-metall tal-UE ma jistgħux jikkompetu fil-qasam tal-ispejjeż tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE u, minħabba d-daqs żgħir tagħhom bħala kumpaniji individwali, ma jistgħux jiksbu ekonomiji ta' skala bħall-provvedituri tagħhom, pereżempju l-imtieħen tal-azzar. Dan jagħmel l-aċċess għall-prodotti – b'mod partikolari l-materja prima u l-enerġija – b'kondizzjonijiet tas-suq kompetittivi essenzjali.
5.2.3 Il-KESE jirrakkomanda wkoll li fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi, il-Kummissjoni Ewropea tinsisti fuq ir-rispett tal-prinċipju tar-reċiproċità u li, f'dan ir-rigward, tanalizza mill-qrib sensiela ta' fatturi li jqiegħdu n-negozji Ewropej fi żvantaġġ biex jaċċessaw il-materja prima meta mqabbla ma' kumpaniji minn pajjiżi oħra, bħaċ-Ċina. Pajjiżi bħal dawn jikkompetu fl-Ewropa biex jixtru r-ruttam tal-metall, filwaqt li l-kumpaniji Ewropej m'għandhomx l-istess opportunità biex jixtru r-ruttam peress li dan is-suq huwa magħluq.
5.2.4 Huwa importanti wkoll li tiġi appoġġjata l-kapaċità li jsiru pjani bil-quddiem u li jiġu indirizzati l-volatilità u sensiela ta' eventwalitajiet varji (il-ġestjoni tar-riskju) kif ukoll li jiġi żgurat li l-ambjent regolatorju għall-industrija Ewropea tal-azzar ma jagħmilx bsaten fir-roti għall-investiment f'dan is-settur tal-UE. Il-bidla minn kuntratti multiannwali jew annwali lejn kuntratti dejjem oqsor jew, aktar u aktar, transazzjonijiet immedjati (spot), x'aktarx tenfasizza din it-tendenza u tillimita aktar il-kapaċità tal-ippjanar tal-kumpaniji tax-xogħol tal-metall. Il-KESE jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet Ewropej iqisu din it-tendenza bil-għan li jfasslu miżuri sabiex tiġi ġestita l-volatilità dejjem akbar tal-prezzijiet li qed jiffaċċjaw l-SMEs fil-qasam tax-xogħol tal-metall. B'mod aktar speċifiku, il-KESE jirrakkomanda li dan l-aspett importanti jiġi kkunsidrat fit-tfassil tal-komunikazzjoni li jmiss dwar l-Istrateġija Ewropea dwar il-Materja Prima.
5.2.5 Bl-istess mod, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-konċentrazzjoni dejjem akbar fis-settur tal-minjieri tal-mineral tal-ħadid u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra r-riskji li jista' jġib miegħu l-ħolqien ta' monopolji virtwali madwar id-dinja għall-industrija Ewropea, kif turi l-pożizzjoni li ħadu s-setturi Ewropej tal-azzar, is-settur tal-inġinerija u s-settur tal-karozzi fir-rigward tal-merger imħabbar bejn il-kumpaniji tal-minjieri BHP Billiton plc u Rio Tinto plc.
5.3 Enerġija
5.3.1 L-iżgurar ta' provvista stabbli ta' elettriku huwa ta' importanza vitali għall-industrija tax-xogħol tal-metall tal-UE, li għandha bżonn tiżgura provvista tas-sorsi kollha ta' enerġija b'kondizzjonijiet kompetittivi tas-suq.
5.3.2 Il-ħolqien u l-finanzjament tal-infrastruttura u l-konnessjonijiet transkonfinali meħtieġa, kif ukoll it-tneħħija tal-ostakli fil-fruntieri nazzjonali, b'mod partikolari għat-trasmissjoni tal-elettriku, huma kwistjonijiet ewlenin biex tiġi żgurata kompetizzjoni bejn il-provvedituri u d-distributuri tal-elettriku.
5.3.3 Barra minn hekk, fl-adozzjoni ta' deċiżjonijiet b'rabta mal-politika dwar l-enerġija, huwa importanti li jinsab bilanċ tajjeb bejn l-aspett ambjentali u l-effetti ekonomiċi kemm fuq l-istabbiltà tal-provvista u l-prezzijiet tal-provvista: dan il-bilanċ huwa fattur ewlieni għall-kompetittività ta' dan is-settur.
5.4 Kompetizzjoni f'ambjent ta' opportunitajiet indaqs
5.4.1 Il-kumpaniji bbażati fl-UE qed jiffaċċjaw ukoll kompetizzjoni internazzjonali dejjem aktar iebsa kemm fis-suq intern, minn prodotti importati, kif ukoll minn swieq tal-esportazzjoni. Is-sitwazzjoni hija aggravata minħabba l-kondizzjonijiet li jvarjaw ħafna madwar l-UE f'termini ta' pereżempju l-prezzijiet tal-enerġija, il-proċeduri għal ksib ta' permess għall-istallazzjonijiet/impjanti, u l-kondizzjonijiet tal-operat. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-kompetizzjoni fi ħdan l-UE u l-kompetizzjoni internazzjonali ma' pajjiżi oħra tkun f'ambjent ta' opportunitajiet indaqs.
5.4.2 Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżgura li l-kompetizzjoni internazzjonali ma' pajjiżi oħra tkun f'ambjent ta' opportunitajiet indaqs.
5.4.3 Fl-aħħar, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom iżommu għajnejhom fuq każijiet possibbli ta' abbuż li jirriżultaw mid-daqs ta' dan is-settur meta mqabbel mad-daqs tal-klijenti u b'mod partikolari tal-provvedituri tiegħu.
5.5 Finanzjament
5.5.1 L-istituzzjonijiet finanzjarji jaqdu rwol ewlieni biex jinkisbu l-objettivi politiċi industrijali billi jittieħdu jew ma jittiħdux riskji u permezz ta' ċertu aċċessibbiltà. Il-kriżi finanzjarja li ħassret xi ftit il-prospettivi għall-ekonomija reali mill-2008 'il quddiem laqtet ukoll l-industrija tax-xogħol tal-metall. Filwaqt li t-talba għal self kienet relattivament laxka fil-klima ekonomika negattiva tal-2009, it-titjib li kien aktar b'saħħtu milli prevvist matul l-2010 qiegħed iwassal dejjem aktar għal nuqqas fil-provvista ta' fondi għan-negozji hekk kif it-talba għal self qed tiżdied. Dawn in-nuqqasijiet jinħassu ħafna aktar mill-SMEs li jiddependu kważi esklużivament minn finanzjament mill-banek. L-industrija tax-xogħol tal-metall, bil-perċentwal għoli tagħha ta' SMEs, qed tħoss tnaqqis li jista' jissarraf f'għafsa serja.
5.5.2 L-istituzzjonijiet bankarji ma beżgħux mir-riskju huma u jinvestu f'fondi spekulattivi u sigurtajiet oħra iżda jidher li reġgħu skoprew din il-biża' mir-riskju biex iwettqu l-kompitu bażiku tagħhom li jipprovdu fondi għall-ekonomija reali. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li s-settur finanzjarju għandu jservi ta' mezz biex jintlaħaq għan. F'dan l-istadju, is-settur bankarju qed iħejji ruħu għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħtieġa ta' Kapital li ser timponi pressjoni ta' tnaqqis addizzjonali fuq il-banek u pożizzjoni ħafna aktar ristrettiva fuq it-teħid tar-riskju. Jeħtieġ li ssir analiżi aktar fid-dettall tar-regolamenti biex jiġu evitati konsegwenzi negattivi għad-disponibbiltà tal-kreditu għas-settur kollu.
5.5.3 Il-KESE jilqa' enfasi aktar b'saħħitha fuq il-bżonn li jiġu provduti mekkaniżmi adatti ta' likwidità għall-industrija tal-manifattura, b'mod partikolari f'dan is-settur fejn huma kkonċernati l-SMEs. Dan jista' jwassal għal prattiki aħjar madwar l-Ewropa.
5.5.4 L-industrija tax-xogħol tal-metall hija settur importanti Ewropew tal-esportazzjoni. Il-KESE jilqa' miżuri biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-potenzjal tiegħu, b'mod partikolari fil-qasam tat-tkabbir tal-esportazzjoni. Parti minn dan żgur li ser tikkonċerna t-titjib tal-aċċess tagħhom għal krediti ta' finanzjament u ta' esportazzjoni.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) “FWC Sector Competitiveness Studies - Competitiveness of the EU Metalworking and Metal Articles Industries” rapport finali tal-Kummissjoni Ewropea, 18 ta' Novembru 2009, p.91 (mhux disponibbli bil-Malti). L-istruttura tal-industrija u d-distribuzzjoni tad-daqs tal-kumpaniji, punt 2.7.1 – il-firxa u r-rwol tal-SMEs fis-settur tax-xogħol tal-metall u tal-oġġetti tal-metall: analiżi tas-settur tax-xogħol tal-metall u tal-oġġetti tal-metall skont id-daqs tal-kumpaniji (l-impjieg) turi li s-settur huwa dominat minn mikrointrapriżi (anqas minn 10 impjegati) li fl-2006 rrappreżenta 80 % tal-intrapriżi kollha fis-settur tax-xogħol tal-metall u tal-oġġetti tal-metall. Fl-istess waqt, madwar 17 % tal-intrapriżi kollha fis-settur tax-xogħol tal-metall u tal-oġġetti tal-metall fl-2006 setgħu jiġu klassifikati bħala intrapriżi żgħar (minn 10 sa 49 impjegati). Għaldaqstant, aktar minn 95 % mill-intrapriżi kollha tax-xogħol tal-metall u tal-oġġetti tal-metall impjegaw anqas minn 50 persuna fl-2006, 3 % minnhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala ta' daqs medju (minn 50 sa 249 impjegat) filwaqt li madwar ½ % tal-intrapriżi kienu kbar (aktar minn 250 impjegat).
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/15 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-implikazzjonijiet tal-kriżi tad-dejn sovran għall-governanza tal-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 51/03
Relatur: is-Sur SMYTH
Nhar id-29 ta' April 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
L-implikazzjonijiet tal-kriżi tad-dejn sovran għall-governanza tal-UE.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta' Settembru 2010.
Minħabba t-tiġdid tal-mandat tal-Kumitat, l-Assemblea Plenarja ddeċidet li tivvota dwar din l-opinjoni matul is-sessjoni plenarja tagħha f’Ottubru u ħatar lis-Sur SMYTH bħala r-relatur ġenerali skont l-Artikolu 20 tar-Regoli ta' Proċedura.
Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta' Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’120 vot favur, 7 voti kontra u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-kriżi tad-dejn sovran – li għandha l-għeruq tagħha fi kriżijiet finanzjarji u fiskali – qed thedded l-eżistenza proprja tal-EMU u tesiġi azzjonijiet finanzjarji, ekonomiċi u politiċi effettivi. Il-kriżi xeħtet dawl fuq in-nuqqasijiet tal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir bħala mekkaniżmu għall-iżgurar tar-responsabbiltà fiskali fl-Istati Membri.
1.2 Il-KESE jappoġġja l-azzjonijiet li ttieħdu s’issa mill-Kunsill u mill-ECOFIN biex jappoġġjaw lill-Istati Membri li għandhom problemi finanzjarji permezz tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni (EFSM) u l-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF). Din hija soluzzjoni interim iżda tista’ ssawwar il-bażi ta' proċedura u qafas aktar permanenti għal appoġġ finanzjarju kondizzjonali permezz tal-ħolqien ta' fond monetarju verament Ewropew. Tista tiġi studjata wkoll il-possibbiltà li titwaqqaf aġenzija Ewropea li tiġġestixxi d-dejn sovran billi toħroġ bonds Ewropej.
1.3 Il-KESE jixtieq li sabiex ma jkunux fil-periklu l-għanijiet tal-programm Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku, jiġu stabbiliti pjani għat-tnaqqis tad-dejn sovran fiż-żona tal-euro bil-għan li tiġi ggarantita l-istabbilità ekonomika u monetarja taż-żona, b’konformità mal-qagħda ekonomika u mal-għanijiet ta' rkupru ekonomiku u ma' dawk fil-qasam tax-xogħol stipulate fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea: “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”, li ġew ipperikolati serjament mill-kriżi.
1.4 Hemm ħafna lezzjonijiet li wieħed għandu x’jitgħallem mill-kriżi tad-dejn għall-governanza futura tal-UE. Il-proposti inizjali mill-grupp ta' ħidma dwar il-politika ekonomika f’termini ta' sorveljanza u sanzjonijiet jirrappreżentaw passi fid-direzzjoni t-tajba. Madankollu, il-KESE jaħseb li s-sanzjonijiet għandhom jiġu bbilanċjati b’solidarjetà Ewropea akbar fil-ġestjoni tad-dejn sovran. Il-KESE jinnota li s’issa m’hemmx mekkaniżmu formali għall-indirizzar ta' każijiet ta' nuqqas ta' ħlas ta' dejn sovran. Dan għadu nuqqas strutturali fl-arkitettura tal-EMU u għandu jiġi indirizzat minn dawk li jfasslu l-politika. Madankollu jkun aħjar jekk is-sanzjonijiet ikunu ta' natura politika kif ukoll ekonomika sabiex jiġi evitat li jkompli jiggrava d-dejn tal-pajjiżi kkonċernati.
1.5 Ħafna mit-tort tal-kriżi ta' dejn sovran tista’ tiġi attribwita lill-politiki fiskali irresponsabbli li segwew xi Stati Membri tal-UE. Parti oħra mit-tort tista’ tiġi attribwita lis-self imprudenti tal-banek li wassal għall-bżieżaq tal-kostruzzjoni u tal-assi u parti oħra lill-imġieba mhux prudenti tal-aġenziji tal-valutazzjoni tal-kreditu. Is-salvataġġ tal-banek iffinanzjat mit-taxxi tal-pubbliku f’xi Stati Membri u l-fraġilità sussegwenti tas-sistema finanzjarja globali kienu wkoll fatturi importanti li kkontribwixxew għall-kriżi. Għall-futur, jeħtieġ li jkun hemm riformi effettivi tas-sistema bankarja globali li jimpedixxu r-rikorrenza ta' tali mġiba.
1.6 Il-KESE jittama li t-tisħiħ tal-governanza ekonomika Ewropea, li ser jitnieda f’Jannar 2011 flimkien mas-Semestru Ewropew, u li se ġġib koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri (1), ikollu l-għan li jħares l-impjiegi fl-Ewropa, li huma mhedda serjament mill-kriżi.
1.7 Il-Kumitat jemmen madanakollu li l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika biss mhijiex biżżejjed, għall-anqas għall-pajjiżi fiż-żona tal-ewro; minflok, iktar hemm bżonn ta' politika ekonomika komuni vera u proprja kif ukoll koordinazzjoni tal-politika baġitarja, għall-anqas fl-ewwel fażi.
2. Sfond għall-kriżi – politiki fiskali li jservu ta' bażi għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja
2.1 Id-dixxiplina fiskali hija wieħed mill-elementi ewlenin ta' stabbilità makroekonomika u dan huwa minnu b’mod partikulari f’unjoni monetarja, bħaż-żona tal-euro, li hija magħmula minn stati sovrani li huma responsabbli għall-politiki fiskali tagħhom. Fiż-żona tal-euro m’għadhomx disponibbli l-politiki nazzjonali monetarji u tar-rati tal-kambju biex jirreaġixxu għal xokkijiet speċifiċi skont il-pajjiż. Għaldaqstant il-politiki fiskali għandhom is-setgħa kollha iżda jistgħu jaġġustaw ruħhom aħjar għal xokkijiet bħal dawn jekk jibdew minn pożizzjoni soda.
2.2 Twaqqfu bosta mekkaniżmi u arranġamenti sabiex jiġu żgurati politiki fiskali sodi u sabiex jiġu limitati r-riskji għall-istabbilità tal-prezzijiet. Dawn l-arranġamenti huma mħaddna fl-Artikoli 121, 123, 124, 125 u 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fihom il-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir (imsejjes fuq l-Artikoli 121 u 126), il-proċedura tad-defiċit eċċessiv (Artikolu 126), il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju (Artikolu 123), il-projbizzjoni tal-aċċess ipprivileġġat għal istituzzjonijiet finanzjarji (Artikolu 124) u klawsola dwar meta ma jingħatax salvataġġ finanzjarju (no-bail-out-clause) (Artikolu 125).
2.3 Ir-regola bażika tal-politika baġitarja mħaddna fit-Trattat hija li l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi min-naħa tal-gvern. Il-bażi ta' konformità ma' din ir-regola hija li l-Istati Membri għandhom josservaw limitu annwali tad-defiċit ġenerali tal-gvern ta' 3 % tal-PDG u d-dejn nazzjonali gross f’relazzjoni mal-PDG għandu jinżamm fuq limitu ta' 60 % jew inqas.
2.4 F’ċirkostanzi eċċezzjonali eċċess temporanju tad-defiċit ’il fuq mil-limitu jista’ ma jiġix meqjus eċċessiv sakemm jibqa’ qrib ta' dak il-limitu. Id-deċiżjoni jekk Stat Membru huwiex f’qagħda ta' defiċit eċċessiv jew le hija r-responsabbiltà tal-Kunsill tal-ECOFIN, li jieħu azzjoni fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li Stat Membru huwa f’sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv, il-proċedura tad-defiċit eċċessiv tipprovdi li jittieħdu l-passi neċessarji. Fl-aħħar mill-aħħar dawn jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet imposti fuq il-pajjiż ikkonċernat.
2.5 Il-ħsieb wara l-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir huwa li jiġi żgurat li jiġu adottati fuq bażi permanenti politiki baġitarji sodi. Il-Patt jistipola l-obbligu għall-Istati Membri li jirrispettaw l-objettivi fuq perijodu ta' żmien medju għall-pożizzjonijiet baġitarji tagħhom, jiġifieri li jkunu “qrib il-bilanċ jew f’eċċess tal-bilanċ”, kif definiti skont kriterji minn pajjiż għal pajjiż. L-aġġustament għal dawn il-pożizzjonijiet għandu jippermetti lill-Istati Membri jiffaċċjaw il-bidliet ċikliċi normali mingħajr ma jaqbżu l-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG għad-defiċit tal-gvern. Fil-verità, il-kunċett wara l-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir u t-tħaddim tiegħu huma ’l bogħod ħafna minn xulxin. Kif ikkummenta reċentement il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE):
“Madankollu, il-konformità tal-Istati Membri individwali man-normi baġitarji tat-Trattat ta' Maastricht u l-Patt ta' Stabbilità u ta' Tkabbir mhijiex konsistenti. Il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG għad-defiċit tal-gvern ma ġiex rispettat kemm-il darba u b’mod persistenti f’xi pajjiżi, u dan wassal għall-konklużjoni li tal-inqas f’dawn il-każi l-implimentazzjoni tal-Patt ma kinitx rigoruża biżżejjed u nieqsa mir-rieda politika. Fuq livelli li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor, devjazzjonijiet mill-pjani fiskali ġew ikkawżati minn tbassir ta' tkabbir wisq ottimista, reviżjonijiet tad-data ex post, bidliet fid-dħul ikbar milli kien mistenni u diverġenzi negattivi fl-infiq persistenti.” (Għaxar snin tal-Patt ta' Stabbilità u ta' Tkabbir, artiklu fil-Bullettin ta' kull xahar tal-BĊE, Ottubru 2008).
2.6 It-tnaqqis apparenti fil-konformità mar-regoli fiskali li fuqhom hija msejsa l-EMU jmur lura għal qabel il-kriżi finanzjarja globali attwali, iżda wieħed jista’ jressaq l-argument li l-perikli ta' nuqqas ta' ħlas tad-dejn sovran fi ħdan l-unjoni monetarja jirrappreżentaw it-tieni stadju tal-kriżi. Wara għaxar snin jew iktar ta' żjieda fil-kreditu faċli li wasslet għall-bżieżaq tad-djar u tal-kostruzzjoni, l-implożjonijiet ekonomiċi sussegwenti f’xi Stati Membri ħallewhom bi problemi dejjem jikbru ta' dejn. Huwa pjuttost ironiku li l-gvernijiet tal-Greċja, ta' Spanja u tal-Portugall ma kellhomx iwettqu azzjonijiet ta' salvataġġ iffinanzjati mit-taxxi tal-poplu tas-sistemi bankarji tagħhom matul il-kriżi bankarja, iżda d-diffikultajiet tad-dejn sovran tagħhom issa jheddu li jiddistabbilixxu lill-banek madwar l-UE. Dan juri biċ-ċar li s-salvataġġ iffinanzjat mit-taxxi tal-banek ma kienx il-kawża ewlenija taż-żjieda fid-dejn pubbliku.
2.7 Waqt il-kriżi bankarja ta' sikwit saret l-istqarrija li wħud mill-banek kienu “kbar wisq biex ifallu”; issa qed isir diskors dwar Stati Membri, li qed jiġġieldu biex iżommu mad-dejn pubbliku li qed jikber, u li huma “importanti wisq biex jitħallew ma jħallsux id-dejn”. Bl-istess mod kif kull min iħallas it-taxxa kellu jaċċetta l-bżonn li l-banek delinkwenti jiġu salvati bi flushom, issa qed jintalab mis-swieq tal-bonds internazzjonali aġġustament li jista’ jkun iktar diffiċli fil-finanzi pubbliċi ta' xi Stati Membri. In-nuqqas ta' ċertezza li l-kwistjoni tan-nuqqas ta' ħlas tad-dejn sovran ħolqot issa bdiet iddgħajjef l-euro wkoll, u dan qed iġib il-biża’ li jista’ jiddomina għadd ta' Stati Membri fiż-żona tal-euro.
2.8 Il-kriżi tad-dejn sovran hija kriżi ta' kunfidenza għall-UE inġenerali u għaż-żona tal-euro b’mod partikulari. Tesiġi soluzzjoni politika kif ukoll finanzjarja. Ħarġet fid-dieher il-kwistjoni tal-adegwatezza, jew le, tal-arranġamenti fiskali msemmija hawn fuq għall-iżgurar tal-istabbilità tal-munita unika. Wieħed jista’ jargumenta u jkun iġġustifikat li l-Patt ta' Stabbilità u ta' Tkabbir falla u li l-Ewropa issa trid toħloq qafas fiskali u monetarju ġdid li jista’ jlaħħaq b’mod iktar effettiv ma' sitwazzjonijiet ekonomiċi mill-iktar negattivi jew anke l-falliment ta' Stat Membru. Jekk dan huwa minnu, dan il-qafas x’forma jieħu?
3. Oqfsa fiskali u monetarji alternattivi
3.1 Saru għadd ta' żviluppi kemm fil-livell ta' teorija politika u tal-implimentazzjoni tal-politika f’dawn l-aħħar xhur. Waħda mill-iktar proposti interessanti li tressqet biex tindirizza l-kriżi tad-dejn sovran u l-kwistjoni tan-nuqqas ta' ħlas ta' dan id-dejn hija l-ħolqien ta' Fond Monetarju Ewropew (FME) (2). L-idea wara din il-proposta hija l-argument li l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) mhuwiex lest jindirizza t-theddida ta' nuqqas ta' ħlas tad-dejn sovran f’membru ta' unjoni monetarja u li l-UE jkollha mekkaniżmi ta' infurzar iktar b’saħħithom jekk ikun qed jitħaddem FME.
3.2 Il-kunċett ta' Fond Monetarju Ewropew għandu jitqies bħala analogu għat-tipi ta' tweġibiet ta' politika li saru fil-konfront tal-kriżi finanzjarja reċenti fejn l-objettiv tal-politika kien li jiġi evitat il-falliment ta' istituzzjonijiet finanzjarji kbar. Hekk kif l-UE qed toħroġ mill-kriżi bankarja, id-dibattitu dwar il-politika qed ikun imsejjes fuq riformi li jippermettu nuqqas ta' ħlas ikkontrollat min-naħa tal-istituzzjonijiet finanzjarji u awtofinanzjar tal-fondi ta' salvataġġ għal banek ikbar li qed jiffaċċjaw diffikultajiet ta' likwidità. Fi kliem ieħor, wara li stabbilizzaw is-sistemi finanzjarji, dawk li jfasslu l-politika Ewropea issa qed jikkonċentraw biex jizguraw li fil-ġejjieni l-istituzzjonijiet finanzjarji u mhux dawk li jħallsu t-taxxi jerfgħu l-ikbar piż fi żmien ta' kriżi. Il-proposti ta' riforma bankarja jinkludu proporzjoniijet ikbar ta' kapital, kontroll iktar strett, il-limitazzjoni tal-bonuses tal-bankiera u t-tfassil ta' “testmenti waqt il-ħajja (living wills)”. F’termini tal-UME, sabiex titħares il-munita unika, is-sistema trid tissaħħaħ biex tlaħħaq mal-instabbilità kkawżata min-nuqqas ta' ħlas tad-dejn jew il-falliment ta' wieħed mill-membri tagħha.
3.3 Dawk li qed jipproponu l-FME ressqu l-argument li dan il-fond ikun konsistenti mal-idea ta' kooperazzjoni msaħħa stabbilita fit-Trattat u b’hekk ma jkunx hemm bżonn ta' emenda għat-Trattat. FME li jitfassal b’mod tajjeb jindirizza n-nuqqasijiet fl-arkitettura tal-UME kkawżati mill-falliment tal-Patt ta' Stabbilità sal-lum u n-nuqqas apparenti ta' kredibilità tal-klawsola dwar meta ma jingħatax salvataġġ finanzjarju.
3.4 Fond bħal dan kif jiġi ffinanzjat? Sabiex tiġi minimizzata l-problema ta' periklu morali li issa qed jiffaċċjaw il-Ġermanja u Franza fil-kofinanzjar tal-pakkett ta' emerġenza għall-Greċja, huma biss dawk il-pajjiżi ħatja ta' ksur tal-kriterji ta' Maastricht li jikkontribwixxu għall-FME. Ir-rati tal-kontribuzzjoni tagħhom jiġu determinati minn żewġ regoli:
— |
1 % fis-sena tal-istokk ta' “dejn eċċessiv”, li huwa definit bħala d-differenza bejn il-livell reali ta' dejn pubbliku (fl-aħħar tas-sena ta' qabel) u l-limitu ta' Maastricht ta' 60 % tal-PDG. Għall-Greċja, bi proporzjon bejn dejn u PDG ta' 115 %, dan jimplika kontribuzzjoni lill-FME ta' 0.55 %. |
— |
1 % tal-iżbilanċ eċċessiv, jiġifieri l-ammont tal-iżbilanċ għal sena speċifika li jaqbeż il-limitu ta' Maastricht ta' 3 % tal-PDG. Għall-Greċja, żbilanċ ta' 13 % tal-PDG iwassal għal kontribuzzjoni lill-FME ta' 0,10 % tal-PDG. |
Għall-2009 l-kontribuzzjoni totali għall-Greċja kienet tkun 0,65 % tal-PDG – konsiderevolment anqas mill-livelli ta' awsterità mitluba bħalissa.
3.5 Barra minn hekk, il-FME ikun jista’ jsellef fis-swieq sabiex ikollu biżżejjed riżorsi barra mill-kontribuzzjonijiet akkumulati sabiex ilaħħaq mar-rekwiżiti kollha. Il-FME jista’ jintervjeni biex jipprovdi appoġġ finanzjarju, jew billi jillikwida parti mill-assi tiegħu jew billi jiggarantixxi d-dejn sovran ta' Stat Membru. Bħala eżempju, u bil-benefiċċju tal-esperjenza, meta nużaw il-mekkaniżmi ta' finanzjar issuġġerit, il-FME kien ikun jista’ jakkumula EUR 120 biljun f’riżervi minn mindu bdiet l-UME. Flimkien ma' livelli adati ta' self mis-swieq, dan għandu jipprovdi biżżejjed fondi biex isalva kull wieħed mill-Istati Membri ż-żgħar fiż-żona tal-euro.
3.6 Fir-rigward tal-infurzar, l-UE għandha għadd ta' għażliet, mill-qtugħ tal-fondi strutturali, il-ħruġ ta' garanziji ta' finanzjar ġodda, jew anke li l-pajjiż jinqata’ mis-suq tal-flus taż-żona tal-euro. Dawn il-pieni jistgħu jintużaw b’mod progressiv, billi individwalment jimponu pressjoni ekonomika sinifikanti fuq l-Istati Membri li ma jimplimentawx programmi ta' riforma li sar ftehim fuqhom qabel.
3.7 Wieħed mill-vantaġġi msemmija tal-FME propost huwa li jkun jista’ jiġġestixxi b’mod organizzat in-nuqqas ta' ħlas tad-dejn ta' membru taż-żona tal-euro li ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet ta' programm ta' riforma. Meta mqabbel mal-inċertezzi marbuta mar-ristrutturar tad-dejn fis-swieq internazzjonali tal-bonds, il-FME jista’ joffri lid-detenturi tad-dejn sovran tal-Istat Membru f’kontumaċja, li dan id-dejn jinbidillu bi skont standard fi krediti fil-konfront tal-FME. B’dan il-mod, l-inkonvenjenzi kkawżati min-nuqqas ta' ħlas ikunu limitati u t-telf li jsofru l-istituzzjonijiet finanzjarji jitnaqqas ukoll.
3.8 Dawk li jappoġġjaw FME jgħidu li dan joffri vantaġġi importanti aqwa milli jekk sempliċement issir talba ta' intervent għand il-FMI. Il-FME jista’ jippresjedi fuq nuqqas ta' ħlas tad-dejn sovran li jkun organizzat tajjeb biex b’hekk jiġu minimizzati l-effetti sekondarji li jħarbtu s-swieq tal-bonds u s-swieq finanzjarji oħrajn. L-istess bħal-lezzjonijiet li tgħallimna fil-kriżi bankarja, dik il-politika issa għandu jkollha l-għan mhux biss li tiġi evitata kriżi futura iżda wkoll li nħejju għaliha. Bl-istess mod il-kriżi tad-dejn sovran. Meta u jekk il-kriżi attwali tintemm, l-Ewropa trid tlesti ruħha għal meta terġa’ tiġri.
3.9 Ideat oħra interessanti jikkonċentraw fuq it-tensjoni bejn il-bżonn ta' rkupru ekonomiku Ewropew u t-tnaqqis tad-dejn. Ir-riċerka turi li fiż-żona tal-euro d-dixxiplina fiskali tal-kriterji ta' Maastricht u l-Patt ta' Stabbilità u ta' Tkabbir xekklu t-tkabbir ekonomiku meta tqabbel mal-Istati Uniti u r-Renju Unit (3). L-ironija hija li l-kriżi finanzjarja bdiet fl-Istati Uniti u hemmhekk ir-reazzjoni politika kienet spinta kontroċiklika fiskali u monetarja enormi. Il-politika makroekonomika taż-żona tal-euro soffriet minn inerzja minħabba l-preferenza politika lejn stabbilità monetarja minflok tkabbir. Dan jista’ jiftiehem fil-kuntest tal-istabbilixximent tal-kredibilità tal-munita unika u tal-BĊE, iżda issa jista’ jitqies bħala xkiel potenzjali tal-irkupru ekonomiku. Fil-fatt jista’ jitressaq l-argument li jekk jittaffew il-limiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir jista’ jiġi stimolat l-irkupru ekonomiku u tiġi fi tmiemha l-kriżi tad-dejn.
3.10 Jitressaq l-argument li kull reazzjoni politika jew istituzzjonali għall-kriżi tad-dejn sovran għandha tindirizza l-kwistjonijiet tat-tnaqqis tad-dejn mingħajr ma jiġu pperikolati l-għanijiet tal-Programm Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku. Mod wieħed kif dan jista’ jintlaħaq jista’ jkun billi jiġi kkombinat proċess ta' tnaqqis tad-dejn ma' espansjoni tal-investimenti sabiex jinħoloq bilanċ mal-effetti deflazzjonarji tat-tnaqqis tad-dejn. Din il-proposta hija bbażata fuq il-White Paper ta' Delors tal-1993 dwar it-Tkabbir, il-Kompetittività u l-Impjieg u li għandha fiċ-ċentru tagħha l-għażla tat-trasferiment tad-dejn. B’hekk, proporzjon tad-dejn sovran ta' kull Stat Membru jiġi trasferit għall-bonds tal-Unjoni Ewropea. It-trasferiment jibqa’ jobbliga lill-Istati Membri jmantnu s-sehem tad-dejn tagħhom f’bonds tal-euro. Għaldaqstant, id-dejn ma jitħassarx u lanqas jiżdied is-self tal-Istati Membri li jiffaċċjaw diffikultajiet ta' dejn. Dawk li jappoġġjaw din il-proposta jargumentaw li tista’ tiġi akkomodata fi ħdan il-linji gwida attwali tat-Trattat. Flimkien mat-trasferiment tad-dejn, huwa propost ukoll li s-self tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u tal-istituzzjonijiet nazzjonali ta' finanzjament jitwessa’ biex ikun jista’ jiffinanzja l-programm Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku u biex jagħmel tajjeb għat-tnaqqis fid-dħul tal-impjegati u fil-kummerċ li jirriżulta minn tnaqqis aggressiv tad-dejn (4).
3.11 Ir-risposta uffiċjali għall-kriżi tad-dejn ġiet stabbilita wara l-laqgħa staordinarja tal-Kunsill tad-9 ta' Mejju 2010. Din tinvolvi t-twaqqif ta' Mekkaniżmu Finanzjarju Ewropew ta' Stabilizzazzjoni (EFSM), ibbazat fuq l-Artikolu 122.2 (każijiet rari) tat-TFUE u fuq ftehim intergovernattiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro. L-EFSM għandu EUR 60 biljun għad-dispożizzjoni tiegħu u jopera taħt kundizzjonijiet simili għal dawk tal-FMI. Barra minn hekk, ġie stabbilit Strument bi Skop Speċjali (SPV), li sussegwentement ser jissejjaħ Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja. Dan l-istrument ser jitħaddem għal perijodu ta' tliet snin u ser ikollu sa EUR 690 biljun biex jappoġġja lill-Istati Membri fiż-żona tal-euro li qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji eċċezzjonali. Barra minn hekk, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) beda jintervjeni fis-swieq tal-bonds billi jixtri d-dejn tal-gvernijiet li qed jiffaċċjaw problemi finanzjarji.
3.12 Dawn l-arranġamenti l-ġodda għandhom bosta aspetti importanti. L-ewwel nett mhumiex għażliet finanzjarji rħas: l-interessi kollha u l-prinċipali tas-self ser jitħallsu lura mill-Istati Membri rilevanti permezz tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-EFSM mhuwiex mekkaniżmu ta' salvataġġ u huwa kompatibbli mal-Artikolu 125. It-tieni nett, l-EFSM u l-EFSF jirrappreżentaw intestaturi ta' kreditu, u mhux intestaturi baġitarji u għaldaqstant jibqgħu fi ħdan id-deċiżjoni dwar ir-“riżorsi proprji”. It-tielet nett, l-EFSF ser topera fuq perijodu ta' tliet snin iżda l-effetti tagħha jistgħu jibqgħu jinħassu għal bosta snin aktar jekk toħroġ bonds li jimmaturaw f’term itwal. Ir-raba’ nett, huwa maħsub li l-EFSF toħroġ bonds li ser ikunu ggarantiti sa 120 % mill-Istati Membri kollha tal-UE; huwa maħsub li dawn il-bonds ikollhom klassifikazzjoni AAA u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż tas-servizz tagħhom (5). Fl-aħħar, l-EFSM jagħti xhieda tanġibbli li s-solidarjetà tal-UE għadha l-bażi fundamentali tal-EMU.
3.13 Il-punt sa fejn il-proposti tal-EFSM jindirizzaw b’mod effettiv il-kriżi tad-dejn attwali ser joħroġ fid-dieher fix-xhur li ġejjin u ser jiddependi minn kemm l-Istati Membri individwali jimplimentaw l-aġġustament fiskali meħtieġa mill-UE u l-FMI. L-UE affermat mill-ġdid ix-xewqa tagħha li ssaħħaħ id-dixxiplina fiskali u li tistabbilixxi qafas permamenti għas-soluzzjoni tal-kriżi. Din tal-aħħar qajmet spekulazzjoni li l-EFSM u l-EFSF jistgħu jsiru permanenti iżda dan jista’ jkun diffiċli biex jinkiseb għax jirrikjedi l-approvazzjoni unanima tal-Istati Membri kollha. In-nuqqas ta' proposti sostantivi li jindirizzaw il-possibbiltà ta' ħlas tad-dejn sovran jimplika li dawk li jfasslu l-politika mhux ser jippermettu tali eventwalità. Għalkemm dan jista’ jiftiehem, ma jeliminax il-potenzjal ta' ħlasijiet bħal dawn.
4. Tagħlimiet
4.1 Qed isir dejjem iktar ċar li l-kriżi tad-dejn setgħet ġiet evitata li kieku kien hemm governanza aħjar fl-Istati Membri u fl-UE, u b’hekk huwa essenzjali li l-iżbalji ta' governanza fil-passat ma jerġgħux jirrepetu ruħhom. Għal dan il-għan il-grupp ta' ħidma dwar il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi ħabbar sensiela ta' miżuri li jsaħħu s-sorveljanza baġitarja b’mod konsistenti mal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir. Dawn il-miżuri jindirizzaw il-kwistjoni ta' skrutinju minn pari tal-abbozzi tal-baġits tal-Istati Membri, applikazzjoni iktar bikrija tas-sanzjonijiet fir-rigward tal-limiti ta' dejn ta' 3 % u 60 %, l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv jekk it-tnaqqis tad-dejn ma jsirx f’waqtu, u iktar indipendenza għall-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika mill-gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom.
4.2 Ma nkunux qed nesaġeraw meta ngħidu li r-rwol u l-imġiba tal-aġenziji ewlenin tal-klassifikazzjoni matul il-kriżijiet finanzjarji u tad-dejn ma kinux xempju mill-aqwa (6). Il-Kanċilliera Merkel ipproponiet aġenzija tal-klassifikazzjoni Ewropea ġdida u indipendenti li tista’ tikkompeti mat-tlieta l-kbar (7). Tressaq ukoll is-suġġeriment li l-Eurostat għandu jingħata s-setgħa li joħroġ klassifiki tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri. Li kieku dawn is-setgħat kienu diġà fis-seħħ, l-Eurostat kien ikun jista’ javża minn qabel dwar il-kriżi tad-dejn fil-Greċja (8).
4.3 Il-Kummissjoni ġiet ikkritikata għan-nuqqas ta' viġilanza u proattività fl-assigurazzjoni tal-kwalità tad-data nazzjonali tal-finanzi pubbliċi. Dan il-punt jirrelata ma' kwistjonijiet usa’ ta' sorveljanza, skrutinju u konformità li huma fil-qalba tal-falliment tal-mekkaniżmi fil-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir. Kull soluzzjoni iktar fit-tul trid tindirizza dawn il-kwistjonijiet b’mod effettiv.
4.4 Għalkemm ma kienx hemm salvataġġ iffinanzjat mit-taxxi tal-pubbliku għall-banek fil-Greċja, Spanja u l-Portugall, l-iskala ta' dan it-tip ta' salvataġġ bnadi oħra fl-UE u l-Istati Uniti kkontribwixxiet għal livell ta' pressjoni mingħajr preċedent fuq is-swieq ta' bonds sovrani u wasslet għal din il-kriżi. Huwa essenzjali li jiġu implimentati riformi effettivi tas-sistemi bankarja globali li jimpedixxu r-rikorrenza ta' nuqqas ta' stabbiltà finanzjarja, ekonomika u soċjali bħal din.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) COM(2010) 367. It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika għall-istabilità, it-tkabbir u l-impjiegi – Għodda għal governanza ekonomika tal-UE isħaħ.
(2) Din il-proposta hija mfissra kollha kemm hi f’D. Gros u T. Mayer, “How to deal with sovereign debt default in Europe: Towards a Euro(pean) Monetary Fund.” Policy Brief No: 202, Ċentru għall-Istudji tal-Politika Ewropea, Mejju 2010. Ħafna mill-argumenti f’dan id-dokument huma mislutin minn din il-karta miktuba b’mod intuwittiv.
(3) Ara Fitoussi, J.P. u F. Saraceno: “Europe: How deep is a Crisis? Policy Responses and Structural Factors Behind Diverging Performances” Journal of Globalisation and Development. Volume 1 Issue 1 Berkeley Electronic Press. 2010.
(4) Għal deskrizzjoni sħiħa ta' dawn il-proposti ara Holland, S.: “A European Monetary Fund, Recovery and Cohesion” in Insight, http://www.insightweb.it/web/node/136 (aċċessat fl-10/06/2010).
(5) Fil-21 ta' Settmebru kull waħda mill-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu ewlenin iddikjarat li se talloka klassifikazzjoni AAA għal dejn li ħareġ mill-EFSF.
(6) Għal diskussjoni komprensiva tan-nuqqasijiet tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni ara U.S. Securities and Exchange Commission: (SEC) “Summary Report of Issues Identified in the Commission Staff’s Examinations of Select Credit Rating Agencies” (Rapport ta' Sinteżi tal-Kwistjonijiet Identifikati fl-Analiżi tal-Persunal tal-Kummissjoni ta' Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu speċifiċi) http://www.sec.gov/news/studies/2008/craexamination070808.pdf (aċċessat fl-10/06/2010).
(7) L-Irish Times irrapporta li l-Kanċilliera Ġermaniża qalet li l-aġenzija ġdida naturalment ma tkunx dipendenti politikament iżda taġixxi fl-ispirtu ta' ekonomija sostenibbli li mhijiex orjentata lejn perijodu ta' żmien qasir. Irish Times, 21 ta' Mejju 2010.
(8) Tul iż-żjara tagħna fil-Eurostat, konna informati li l-Eurostat kemm-il darba wissa dwar id-defiċit kbir tal-Greċja u l-kriżi ta' dejn pubbliku iżda ħadd ma tah widen.
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/20 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi u l-promozzjoni internazzjonali tal-Mudell Soċjali Ewropew” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 51/04
Relatur: is-Sinjura BATUT
Nhar l-14 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi u l-promozzjoni internazzjonali tal-Mudell Soċjali Ewropew.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2010.
Minħabba t-tiġdid tal-mandat tal-Kumitat, l-assemblea plenarja ddeċidiet li tieħu pożizzjoni fuq din l-opinjoni waqt is-sessjoni plenarja ta' Ottubru u ħatret lis-Sinjura Batut bħala relatur ġenerali, b'konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta' Proċedura.
Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta' Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'110 vot favur, 34 vot kontra u 16-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE huwa favur l-integrazzjoni progressiva tas-suq ħieles Ewro-Atlantiku u jixtieq japprofondixxi r-relazzjonijiet Ewro-Amerikani, b'enfasi partikolari fuq l-aspett soċjali, sabiex jantiċipa l-konsegwenzi tat-twettiq ta' din l-integrazzjoni ekonomika trans-Atlantika, bil-għan li ż-żewġ soċjetajiet, jiġifieri dik Amerikana u dik Ewropea, jiksbu benefiċċji ugwali u jsiru iktar kompetittivi flimkien, b'mod partikolari fir-rigward tal-ekonomiji emerġenti.
1.2 Il-KESE jqis li d-data ekonomika u soċjali miġbura fi ħdan il-Mudell Soċjali Ewropew (MSE) tirrappreżenta sistema unika fid-dinja li sservi ta' bażi għal żvilupp produttiv (1) u, fil-kuntest attwali ta' kriżi dinjija, ta' mutur qawwi għall-popolazzjonijiet milquta, u jfakkar li l-firmatarji tat-Trattat ta' Lisbona għażlu li jippromovu dan il-mudell. Huwa jixtieq li fi ħdan id-djalogu trans-Atlantiku tiġi żviluppata l-leġittimità:
1) |
tal-identità Ewropea, |
2) |
tal-valuri u l-kultura tal-Ewropa, inkluż il-ħarsien tal-ambjent, |
3) |
tal-KESE, li permezz tal-membri tiegħu jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata tal-Unjoni. |
1.3 Is-sistemi ta' protezzjoni soċjali kollettiva, is-servizzi pubbliċi u d-djalogu soċjali jirriflettu l-Mudell Soċjali Ewropew. Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni biex mhux biss jirrappreżentaw iżda wkoll jippromovu, f'kull ċirkostanza u b'mod speċjali fi ħdan id-djalogu trans-Atlantiku, il-mudell li qegħdin jitolbu ċ-ċittadini tagħhom.
1.3.1 Barra minn hekk, jekk il-kwistjonijiet soċjali b'mod ġenerali jitpoġġew fuq il-lista tal-prijoritajiet tal-UE, l-Ewropej ikunu preżenti u mgħammra aħjar biex jinsistu fuq din il-prijorità fid-djalogi eżistenti fi ħdan il-KET u t-TALD (2).
1.3.2 Sabiex il-valuri tal-Unjoni jkunu magħrufa aħjar fl-Istati Uniti u sabiex fehim aħjar taż-żewġt ixtut tal-Baħar Atlantiku jwassal għall-konverġenza fil-progress tal-interessi soċjali tagħhom u għal fehim soċjali ikbar, il-KESE jixtieq li l-Unjoni xxerred l-informazzjoni dwar il-MSE fost is-soċjetà ċivili Amerikana. It-TEK u t-TALD jistgħu jkunu mezz tajjeb għal dan. Il-KESE jemmen li l-“promozzjoni” tal-MSE (3) għandha ssir billi tiżdied il-viżibbiltà tal-UE fl-Istati Uniti.
1.4 Il-KESE jirrakkomanda li minbarra regoli finanzjarji ġodda, iż-żona Ewro-Atlantika tfassal standards komuni dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni u regoli ġodda għal kompetizzjoni li tirrispetta iktar lill-interessi taċ-ċittadini. Huwa jistenna li l-Unjoni tieħu pożizzjonijiet b'saħħithom li jiggarantixxu l-livell ta' għajxien taċ-ċittadini u li d-djalogu trans-Atlantiku jgħin biex is-soċjetà ċivili tiġi iktar ikkunsidrata fiż-żewġ kontinenti.
1.5 Id-djalogu tas-soċjetajiet ċivili organizzati u tad-dinja tax-xogħol għandu jiġi mismugħ kemm fil-livell domestiku kif ukoll fi ħdan ir-relazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-intrapriżi, ibda mill-korpi Ewro-Amerikani eżistenti. Il-Kummissjoni Ewropea, li, għall-perijodu 2011–2012, żiedet l-għajnuna finanzjarja tagħha b'rabta ma' dan id-djalogu minn EUR 600 000 għal EUR 800 000, tista' tkun il-faċilitatur. Il-KESE huwa lest li jgħin lill-imsieħba Amerikani bl-istrutturar ta' kunsill Ewro-Amerikan tas-soċjetà ċivili. Għandhom jinstabu mezzi kif iż-żewġ soċjetajiet jistgħu jagħtu leħen lill-impjegati u jiżviluppaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni, fuq kollox f'dan iż-żmien kritiku wara l-kriżi finanzjarja tal-2008. Il-KESE jemmen li iktar djalogu, kemm ċivili kif ukoll soċjali, u trasparenza, setgħu evitaw din il-kriżi li ilha għaddejja tliet snin.
1.5.1 Id-Djalogu Trans-Atlantiku għandu jinkludi fost l-objettivi tiegħu l-idea li wieħed jitgħallem mingħand l-ieħor, kif ukoll kontribut għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, kemm dawk politiċi u ċivili kif ukoll ekonomiċi u soċjali. Fid-djalogu trans-Atlantiku l-Unjoni għandha tippreżenta d-drittijiet ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini bħala parti integrali mill-pożizzjoni tagħha.
1.5.2 Il-KESE jqis li d-djalogu bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti jista' jissaħħaħ billi jiġu trattati kwistjonijiet soċjali fundamentali għall-koeżjoni taż-żewġ soċjetajiet: pereżempju, l-edukazzjoni inizjali u tul il-ħajja, li huma ta' kompetenza nazzjonali iżda wkoll “federali”, u huma tant bżonjużi għall-ekonomija ta' servizzi bbażata fuq l-għarfien fiż-żewġ soċjetajiet. L-ewwel nett jeħtieġ li, bil-għan li jinħolqu l-impjiegi u jittejjeb l-istandard tal-għajxien tal-Ewropej, tingħata l-ogħla prijorità fl-aġenda politika lill-kwistjoni tal-investimenti produttivi u tal-innovazzjoni, qasam li fih l-Istati Uniti żviluppaw kapaċità ta' ħolqien u ta' promozzjoni ħafna iktar avvanzata minn dik Ewropea.
1.5.3 Il-KESE jemmen li indikaturi komuni jippermettu li jiġu vvalutati u mqabbla s-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol taż-żewġ partijiet involuti fid-Djalogu.
1.6 Il-KESE jqis li l-kwistjoni tal-migrazzjonijiet hija importanti għad-demokraziji u jixtieq li tkun is-suġġett ta' djalogu soċjali trans-Atlantiku li jista' jinvolvi lill-Forum Ewropew tal-Integrazzjoni (FEI).
1.7 Għall-KESE, id-djalogu trans-Atlantiku jista' jgħaġġel is-sensibilizzazzjoni fir-rigward tas-sostenibbiltà u l-ħarsien tal-ambjent. Jemmen li ż-żewġ soċjetajiet ċivili u l-konsumaturi għandhom rwol x'jaqdu f'dan il-kuntest.
1.8 Il-KESE jixtieq ikun innovattiv biex jinkludi b'mod istituzzjonali lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata fid-djalogu trans-Atlantiku. Iqis li f'dan id-djalogu l-Unjoni għad trid issir “Ewropea” fil-livell soċjali. Il-KESE jirrakkomanda li titqies id-dimensjoni soċjali f'kull fażi tad-djalogu trans-Atlantiku.
1.9 Bl-adozzjoni ta' programm ta' kooperazzjoni għall-istabbiliment tal-KET (4), iż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom biex jgħaġġlu t-twettiq ta' integrazzjoni konkreta sabiex “joħolqu suq trans-Atlantiku magħqud minn hawn u l-2015” (5). Jeżistu ħafna ostakoli, partikolarment legali, iżda l-objettiv ma nbidilx, u l-KESE jixtieq jibda l-ħidma minn qabel sabiex ikun ċert li l-għażliet storiċi Ewropej li bnew lill-mudell soċjali (6) ma jintesewx. Is-soċjetà Ewropea u dik Amerikana, li jixxiebhu min-naħa tal-valuri li jħaddnu, mhumiex daqstant “integrabbli” soċjalment. Jekk l-Ewropej jagħrfu l-bżonn li jadattaw ċerti aspetti ta' dan il-mudell minħabba l-kriżi ekonomika attwali, huwa wkoll biex iħarsu aħjar il-prinċipji tiegħu fit-tul.
2. Integrazzjoni ekonomika
2.1 L-Istati Uniti huma l-mutur tal-blokk ekonomiku tat-Tramuntana tal-Amerika li diġà nħoloq bil-ftehim ALENA. L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti flimkien jipproduċu 60 % tal-PDG dinji u jiġġeneraw 40 % tal-kummerċ dinji u 62 % tal-istokk tal-investimenti diretti. Fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, 7 miljun impjieg jiddependi mir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi.
2.2 Fi studju (7) ppubblikat qabel ma bdiet il-kriżi, l-OECD kkalkulat li l-integrazzjoni totali taż-żewġ ekonomiji tista' tipproduċi 3 % tat-tkabbir għaż-żewġt imsieħba, u tagħti vantaġġ lit-tnejn fuq kważi l-pajjiżi l-oħra kollha tad-dinja.
2.3 Il-KESE jqis li l-kriżi tista' tittrasforma r-relazzjonijiet Ewro-Amerikani u li huwa urġenti li fi ħdan it-TEK u t-TALD titħeġġeġ diskussjoni bejn l-imsieħba soċjali dwar il-mudelli. Jista' jkun li l-kriżi tittardja l-integrazzjoni u tħalli biżżejjed ħin biex nesploraw oqsma bħall-utilità tal-istituzzjonijiet ta' djalogu, li ftit huma preżenti fl-Istati Uniti, jew il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, li ftit li xejn hemm minnhom fl-Istati Uniti, jew il-kwistjoni tal-immigrazzjoni li tikkonċerna liż-żewġ kontinenti kemm mil-lat soċjali kif ukoll minn dak tal-impjieg, bħala soluzzjoni għat-tixjiħ tal-popolazzjoni (riżerva tal-forza tax-xogħol).
2.4 B'mod ġenerali, huwa magħruf li l-pjani ta' rilanċ tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti m'għandhomx miżuri komuni, però fiż-żewġ każijiet il-konsegwenzi tagħhom kienu l-istess: li jnaqqsu d-defiċits pubbliċi, isaħħu l-azzjoni pubblika u jżidu t-talba għal kontrolli u għal allokazzjoni mill-ġdid tat-tqassim tal-ġid. Dawn id-differenzi u l-konverġenzi jistgħu jitqajmu fid-djalogu tat-TALD u tal-istruttura bilaterali konsultattiva li għandha tinħoloq.
2.4.1 Il-konsegwenzi tal-kriżi qed jiġu diskussi fuq livell għoli (fis-summits tal-UE u l-Istati Uniti,) hekk kif qed jiġu diskussi wkoll suġġetti oħra fil-qafas tad-djalogu li jeżisti bejn il-Kummissjoni u l-kontropartijiet tagħha fl-amministrazzjoni Amerikana u l-aġenziji tagħha fil-qasam tal-finanzi, l-ekonomija u s-swieq domestiċi. Is-soċjetà ċivili fl-Ewropa qiegħda tbati min-nuqqas ta' regolazzjoni tal-prattiki bankarji u l-aġenziji ta' klassifikazzjoni (8), u min-nuqqas ta' trasparenza tagħhom. Barra minn hekk, qiegħda tħallas għall-pjani ta' rilanċ u, filwaqt li wieħed mill-objettivi tat-Trattat huwa li “jippromovi l-progress ekonomiku u soċjali” tal-popli Ewropej, iċ-ċittadini qegħdin jaraw il-protezzjoni soċjali tagħhom tiġi kkunsidrata għalja wisq u titnaqqas. Huma s-sistemi finanzjarji li fallew u kkawżaw danni serji għall-ekonomija reali. Dawn żiedu aktar diffikultajiet ma' dawk tas-sistemi soċjali, li diġà kienu riżultat tan-nuqqas ta' tkabbir u impjieg. Il-KESE huwa konxju li l-protezzjoniżmu mhuwiex sinonimu ta' impjiegi, u huwa favorevoli għall-kummerċ u l-investiment mingħajr ostakoli, sakemm id-drittijiet soċjali ma jintesewx. Iżda l-kisba mill-ġdid tal-fiduċja, li ngħatat prijorità għolja, għandha tintlaħaq permezz ta' regolamenti ġodda u intelliġenti tas-swieq finanzjarji. Il-KESE jixtieq ukoll li fid-djalogu trans-Atlantiku tingħata prijorità lill-promozzjoni tad-dimensjoni soċjali fl-ekonomija u l-kummerċ. Il-KESE jixtieq li r-rappreżentanti tal-Unjoni fid-djalogu trans-Atlantiku, fir-rwol tagħhom ta' rappreżentanti taċ-ċittadini, ikomplu jassiguraw il-promozzjoni tal-MSE fil-kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali. Il-Kummissjoni min-naħa tagħha tagġixxi b'konformità mat-Trattat u tiżgura l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu.
2.4.2 Il-KESE jqis li huwa utli li r-rabtiet ekonomiċi bejn iż-żewġt ixtut tal-Atlantiku jissaħħu u li tinbena s-solidarjetà ekonomika bejn l-Istati Membri tal-Unjoni. Jemmen li dawn iż-żewġ elementi jiffavorixxu r-ritorn tat-tkabbir u l-iżvilupp tal-ekonomija, flimkien mal-iżvilupp tal-pakkett soċjali Ewropew. B'hekk l-Ewropej ikollhom ħafna materjal x'jittrattaw fid-djalogu tas-soċjetajiet ċivili.
2.5 Il-proġett ta' integrazzjoni tas-suq trans-Atlantiku (9) m'huwiex magħruf sewwa miċ-ċittadini. L-esperjenza tal-integrazzjoni tat-Tramuntana tal-Amerika bl-ALENA-NAFTA tat post marġinali biss lill-oqsma soċjali u ambjentali, mingħajr ma ppruvat tistimola l-impjieg. Hemm bżonn ta' valutazzjoni: fl-Istati Uniti, il-Kanada u l-Messiku l-ambjent iddeterjora, is-salarji tbaxxew u l-impjiegi qed jiġu delokalizzati lejn iċ-Ċina. L-integrazzjoni Ewropea, min-naħa tagħha, ipproduċiet rikkezza (żieda fil-PDG) iżda għalqet il-mini u t-tarzni, tilfet l-industrija tal-metallurġija u t-tessili u rristrutturat setturi sħaħ inklużi s-sajd, l-agrikoltura u l-karozzi. Iżda bil-ftuħ tas-Suq Uniku ġie organizzat ċertu kumpens. Il-KESE jixtieq jantiċipa u jiddjaloga dwar il-konsegwenzi ambjentali (pereżempju l-GMOs) u soċjali tal-integrazzjoni attwali. Uħud minnhom diġà seħħu: l-impjiegi fiċ-ċinema, il-protezzjoni tad-data privata fis-SWIFT.
3. L-effetti possibbli tal-integrazzjoni trans-Atlantika
3.1 L-istrutturi ekonomiċi u kummerċjali tal-UE u tal-Istati Uniti huma pjuttost simili. L-ewwel effett li wieħed jista' jistenna huwa intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni, li iktar milli fuq l-ispejjeż ser tiffoka fuq il-kwantità, il-kwalità u d-divrenzjar tal-prodotti. Ir-rata ta' skambju tad-dollaru għandha tgħin lill-Istati Uniti jġibu lura l-kompetittività fl-esportazzjoni. Ir-rati ta' interess huma iktar baxxi fl-Istati Uniti, u l-FED tirreaġixxi iktar malajr mill-BĊE. Fl-assenza ta' bidla radikali, iż-żona tal-euro probabbilment mhux ser ikollha l-kapaċità ta' reazzjoni meħtieġa biex tevolvi f'suq trans-Atlantiku wiesa'.
3.2 L-integrazzjoni tista' tkun ta' piż fuq l-ispejjeż u l-kundizzjonijiet ta' ħidma u twassal għal żieda fl-insigurtà, iktar u iktar billi s-suq tax-xogħol sar iktar flessibbli, is-salarji qed jonqsu b'mod iktar sinifikattiv u d-delokalizzazzjonijiet qed isiru intensivi, fi ħdan strateġija ta' diżinflazzjoni kompetittiva. L-Ewropej jibżgħu minn din il-pressjoni għal tbaxxija tal-istandards soċjali, tas-saħħa u ambjentali, u fuq il-livell ta' impjiegi u l-livell ta' għajxien tagħhom, meta l-integrazzjoni għandha tibbenefika liż-żewġ partijiet. It-titjib fil-prestazzjoni ekonomika u ż-żjieda fil-produttività huma parti mis-soluzzjoni, iżda xi wħud minn dawk li jkunu tilfu xogħolhom mhux ser iġibuh lura. L-Istati Membri, li reġgħu nbnew wara l-gwerra fuq il-bażi ta' kunsens soċjoekonomiku intern qawwi diġà qegħdin ibatu minn tensjoni marbuta mad-diverġenzi fis-sistemi rispettivi tagħhom li qegħdin joħorġu fid-dieher bl-aħrax minn Mejju 2010 lil hawn, bl-ispekulazzjoni fuq il-munita komuni.
3.3 Fil-qafas tal-frammentazzjoni miżjuda tal-proċessi produttivi (10), il-pajjiżi emerġenti jistgħu jkunu dawk li jmorru minn fuq fir-rigward tal-integrazzjoni trans-Atlantika, bir-riżultat li l-kompetizzjoni bejn l-ikbar żewġ ekonomiji taż-żona tal-OECD tikber. Fil-fehma tal-KESE, din hija hija waħda mit-temi li għandhom jiġu diskussi b'mod prijoritarju fid-djalogi trans-Atlantiċi.
4. Il-modalitajiet tal-integrazzjoni
4.1 Il-ħolqien ta' blokk Ewro-Atlantiku ma jistax isir mingħajr ma jiġu infurmati l-popli kkonċernati. L-Unjoni tista' tieħu azzjoni demokratika u tivvalorizza d-djalogu maċ-ċittadini u mad-dinja tax-xogħol b'mod intern kif ukoll fil-korpi Ewro-Amerikani maħluqa għal dan il-għan. Il-Kummissjoni Ewropea tista' tkun il-faċilitatur ta' dan id-djalogu billi talloka iktar mezzi finanzjarji minn qabel (11); il-KESE huwa lest li jgħin lill-imsieħba Amerikani bl-istrutturar ta' kunsill Ewro-Amerikan tas-soċjetà ċivili.
4.2 Il-KESE jqis li l-integrazzjoni trans-Atlantika għandha, b'konformità mat-Trattat ta' Lisbona, tkun is-suġġett ta' konsultazzjoni taċ-ċittadini. Fl-assenza ta' pożizzjoni ċara tal-istituzzjonijiet kompetenti dwar il-promozzjoni internazzjonali tal-mudell soċjali Ewropew, l-integrazzjoni trans-Atlantikatinvolvi r-riskju ta' tidgħjif tal-“patt soċjali” Ewropew; iċ-ċittadini għandhom jiġu kkonsultati.
4.3 Il-KESE jixtieq li d-djalogu trans-Atlantiku jiżviluppa l-leġittimità:
1) |
tal-identità Ewropea, |
2) |
tal-valuri u l-kultura tal-Ewropa, inkluż il-ħarsien tal-ambjent, |
3) |
tal-KESE, li permezz tal-membri tiegħu jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata tal-Unjoni. |
5. Regolamenti bankarji
5.1 Hemm bżonn ta' riformi urġenti tal-ekonomija globalizzata. Il-KESE jiddispjaċih li r-riforma tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali qiegħda ssir tant bil-mod, bi ħsara għall-kompetizzjoni ġusta u ż-żamma tal-bilanċ soċjali.
5.2 Huwa urġenti li jiġu ddefiniti l-istandards komuni għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni sabiex jiġi evitat li l-azzjonijiet tagħhom ikollhom konsegwenzi negattivi (12): l-aġenziji vvalutaw lill-banek b'mod pożittiv u dan wassal għall-kriżi; issa qegħdin jivvalutaw lill-Istati b'mod negattiv minħabba d-defiċit tagħhom marbut mal-assistenza li qed jagħtu lil dawn l-istess banek, li ser titħallas miċ-ċittadini. L-azzjonijiet tal-banek u tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni huma żewġ punti li s-soċjetajiet ċivili tal-UE u tal-Istati Uniti jistgħu jiddibattu fuqhom fil-qafas tad-djalogu trans-Atlantiku.
6. Libertajiet u drittijiet tal-bniedem
6.1 Dawn huma aċċettati bħala prinċipji iżda mhumiex irrispettati bl-istess mod miż-żewġ naħat: il-moviment ħieles għadu mhux qed jiġi trattat b'mod ugwali fost l-Ewropej kollha u l-Amerikani. Il-kwistjonijiet ta' viża, passaport u kontroll tas-sigurtà għandhom jiżviluppaw lejn armonizzazzjoni ikbar fuq il-bażi ta' mudell iddefinit b'mod komuni.
6.2 L-eżempju tas-“SWIFT” (13) joffri spjegazzjoni: fir-riżoluzzjoni leġislattiva tiegħu tal-11 ta' Frar 2010 (14) il-Parlament Ewropew kien oppona ruħu għat-tiġdid ta' ftehim dwar il-ġestjoni u t-trasferiment ta' data finanzjarja tal-UE lejn l-Istati Uniti mwettqa mill-kumpanija SWIFT. L-għan kien li jiġi ġestit l-aċċess dirett għas-servers Ewropej għal raġunijiet ta' sorveljanza tat-terroriżmu. Permezz tal-kompetenzi l-ġodda tiegħu, il-PE reġa' kkunsidra dan it-trasferiment lejn l-Istati Uniti tad-data kunfidenzjali tal-movimenti bankarji tal-Ewropej, li jimplika telf de facto tal-garanziji u l-protezzjoni offruti fil-liġijiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Il-Membri Parlamentari riedu li l-Unjoni tispeċifika l-viżjoni tagħha tas-suq trans-Atlantiku fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet. Ippreferew jorjentaw ruħhom lejn sistema b'iktar Ewropa, bi rwol ġdid għall-Europol, bl-eżiġenza ta' dritt ta' rikors għaċ-ċittadini. Anke jekk il-garanziji llum mhumiex sħaħ, il-ftehim li ġie ffirmat fit-8 ta' Lulju 2010 ser jiġi rivedut kull sena. Dan imur fid-direzzjoni ta' dak li jixtieq il-Kummissarju Barnier, jiġifieri li s-suq intern “iservi bħala proġett tas-soċjetà li jkun iddefinit kollettivament mill-istituzzjonijiet Ewropej” (15). Dan huwa dak li jixtieq ukoll il-KESE fl-opinjoni attwali, li l-Unjoni tikkonferma l-viżjoni tagħha tas-suq trans-Atlantiku u tippromovi l-MSE tagħha fir-rispett tal-ġar il-kbir tagħha, l-Amerika.
6.3 Id-dritt għall-ħajja, il-bijoetika, l-oqsma fejn l-Unjoni għandha pożizzjonijiet progressisti, għandhom jiġu protetti u miżmuma permezz ta' qbil komuni separat mill-ftehimiet kummerċjali.
6.4 Il-KESE jixtieq li s-sħubija trans-Atlantika tikkontribwixxi realment għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kemm dawk politiċi u ċivili kif ukoll dawk ekonomiċi u soċjali. L-Istati Uniti għandhom storja twila favur id-drittijiet ċivili u politiċi, u ma' dawn l-Unjoni Ewropea żiedet l-iżvilupp tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali. L-interess taż-żewġ kontinenti jinsab fil-volontà politika biex iċ-ċittadini u r-residenti kollha tagħhom jibbenefikaw minn dan mill-firxa sħiħa ta' drittijiet u possibbiltajiet ta' kull entità.
7. Drittijiet soċjali
7.1 Il-KESE diġà nnota li d-djalogu “soċjali” trans-Atlantiku ma kellux suċċess kbir s'issa (16). Id-drittijiet soċjali huma kkunsidrati bħala inklużi fit-terminu “drittijiet fundamentali”, iżda t-tifsira sħiħa tagħhom hija dik ta' drittijiet “ċivili u politiċi”.
7.2 Il-KESE jqis li mhuwiex biżżejjed li wieħed ifakkar regolarment li l-Istati Uniti u l-UE għandhom l-istess valuri u li lil hinn mill-ekonomija t-tnejn għandhom l-għan li jiddefendu l-libertà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. L-Unjoni għandha dejjem tfakkar fl-azzjoni esterna tagħha li d-drittijiet “fundamentali” l-oħra, id-drittijiet soċjali, huma parti integrali mill-pożizzjoni tagħha. It-testi fundamentali tagħha jinkludu klawżola soċjali orizzontali għall-konsiderazzjoni, kemm fit-tfassil kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-politiki tagħha, tar-“rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli tal-impjiegi, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma' livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa.” (17)
7.3 Fil-fatt huwa minħabba l-“Istat soċjali”, is-sistemi soċjali u r-rispett tad-drittijiet soċjali, inerenti fid-drittijiet tal-bniedem, li l-Ewropa tispikka fost il-kontinenti l-oħra.
Il-MSE jiġbor flimkien il-protezzjoni tal-libertajiet pubbliċi, il-mekkaniżmi tal-ekonomija soċjali tas-suq u l-motivazzjoni tal-azzjoni pubblika. Huwa magħmul minn tliet pilastri, is-sistemi ta' protezzjoni soċjali kollettiva, is-sistemi pubbliċi, id-djalogu soċjali. F'ċertu sens huwa sinteżi tal-“istil ta' għajxien Ewropew”. Il-KESE jiddispjaċih li dan fih innifsu mhuwiex ser jiġi promoss mill-Unjoni. Dawn l-aspetti kollha jitqajmu fit-Trattat ta' Lisbona. Dan il-mudell għandu jiġi promoss politikament permezz ta' approċċ “L-Ewropa = Benesseri għal kulħadd”. Il-KESE jemmen li l-Unjoni għandha tinsisti li l-elementi ta' dan l-istat soċjali jkunu fil-qalba tad-diskussjonijiet Ewro-Atlantiċi. Jemmen li jekk dan ma jsirx ser ibatu ċ-ċittadini, l-identità u d-diversità Ewropej.
8. Sistemi ta' protezzjoni soċjali
8.1 L-Ewropej aċċettaw ċertu tqassim mill-ġdid tal-ġid nazzjonali mis-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni soċjali kollettiva; dan ġie destabbilizzat mill-globalizzazzjoni tal-iskambji. Jekk l-UE ma tiddefendix il-Mudell Soċjali Ewropew, hemm il-periklu li tikkawża d-dekostruzzjoni tiegħu. Is-soċjetà kollha kemm hi tgħix aħjar meta l-ħin tax-xogħol limitat jippermetti li n-nies iqattgħu iktar ħin mal-familji tagħhom, pilastru soċjali fl-Ewropa, meta l-leave tal-maternità twil ikun imħallas sabiex it-tfal żgħar jitrabbew aħjar, meta l-kura għal mard serju tkun koperta mill-assigurazzjoni, meta l-anzjani dipendenti jiġu megħjuna: dawn mhumiex rigali tal-Istat, l-ispejjeż kbar ta' dan kollu ġew evitati jew mifruxa permezz tal-ħlasijiet soċjali u/jew it-taxxi mħallsa mill-benefiċjarji matul is-snin.
8.2 Illum ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi f'dan il-qasam mhumiex ibbilanċjati. L-Istati Uniti huma federazzjoni ta' Stati mingħajr Stat soċjali (la federali u lanqas fl-Istati) iżda qegħdin jikkunsidraw xi tibdil soċjali (liġi federali dwar l-assigurazzjoni tas-saħħa). L-UE tinkludi stat soċjali nazzjonali f'kull Stat Membru, iżda mhux fit-tliet pilastri fil-livell “federali”, li jirrakkomanda objettivi ta' konverġenza permezz tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni. Il-KESE jqis li din id-diskrepanza bejn l-UE u l-USA m'għandhiex twassal għal tidgħjif tal-mudell soċjali Ewropew. Huwa jistaqsi lilu nnifsu kemm id-drittijiet tal-Istati Membri ser iżommu sħaħ fi ħdan l-integrazzjoni trans-Atlantika, jekk ma jkunx hemm azzjoni Komunitarja u volontà politika biex jiġi promoss il-mudell Ewropew, partikolarment f'dan iż-żmien ta' kriżi.
8.3 Il-KESE jemmen li d-djalogu soċjali trans-Atlantiku, li jappoġġja bis-sħiħ, għandu jittratta l-isfida tal-“ftuħ kontra s-sigurtà” li tinsab fil-qalba tal-iżviluppi attwali. Hija kwistjoni tal-benesseri ta' 300 miljun persuna minn naħa u dak ta' 500 miljun ruħ min-naħa l-oħra.
8.4 Is-sistemi soċjali ħafna drabi jrrappreżentaw fl-Ewropa l-ekwivalenti tal-baġits tal-Istati. Is-16 % tal-PDG Amerikan iddedikat lill-ispejjeż ta' saħħa huwa ħafna meta wieħed iqis li l-kopertura taċ-ċittadini Amerikani hija iktar baxxa minn dik tal-Ewropej u li l-ispejjeż Ewropej huma iktar baxxi (il-medja tal-pajjiżi tal-OECD hija ta' 8,9 % tal-PDG). L-ekonomija reali taħdem permezz tagħhom. Huma jassorbu l-kriżi b'mod kruċjali għall-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha, ħlief meta l-assigurazzjoni tkun individwali u l-fondi finanzjarji privati jkunu soġġetti għall-iżviluppi imprevedibbli tas-swieq. Il-KESE jqis li l-awtoritajiet għandhom id-dmir li jimpedixxu li l-ftuħ totali għall-kompetizzjoni fil-qafas ta' żona ekonomika Ewro-Amerikana integrata kbira jdgħajjef il-protezzjoni taċ-ċittadini. Għalhekk il-KESE huwa sodisfatt bis-suċċess miksub mill-Presidenza Amerikana attwali bl-istabbiliment ta' sistema innovanti ta' assigurazzjoni tas-saħħa fl-Istati Uniti.
8.4.1
8.4.1.1 L-objettiv tal-Unjoni għal konverġenza soċjali 'il fuq, akkumpanjata minn prinċipju ta' non- regressjoni soċjali, għandu l-approvazzjoni taċ-ċittadini u għandu jinżamm. In-nisa Ewropej, pereżempju, qatt m'huma ser jaċċettaw li d-drittijiet tagħhom f'termini ta' leave tal-maternità jonqsu. Fl-Istati Uniti dan il-leave huwa ferm iqsar u kultant mhux imħallas.
8.4.1.2 Il-KESE jqis li d-djalogu bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti jimxi 'l quddiem jekk jindirizza dawn il-kwistjonijiet tant fundamentali għall-koeżjoni taż-żewġ soċjetajiet. Is-soċjetà Amerikana hija mifruda ħafna dwar il-proposta għal protezzjoni rregolata tas-saħħa b'fondi miksuba mit-taxxi taħt il-kontroll tar-rappreżentanti eletti. Il-KESE jemmen li dan forsi juri nuqqas ta' informazzjoni dwar il-mudell Ewropew, li mhuwiex ċentralizzat għall-kontinent kollu iżda li joffri garanziji sodi u kollettivi lil kulħadd, inkluż għar-residenti barranin, fi ħdan sistemi ta' kopertura tas-saħħa universali li jikkontribwixxu għall-PDG. Il-KESE jixtieq li l-Unjoni twassal din l-informazzjoni lis-soċjetà ċivili Amerikana. Id-djalogu tas-soċjetajiet ċivili organizzati jista' jkun mezz tajjeb għal dan.
8.4.2
8.4.2.1 Bħalma huwa l-każ għall-oqsma l-oħra tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, jeżistu differenzi bejn l-Ewropej, u l-impatt ta' dan fuq l-ekonomija ġenerali huwa kbir. Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu involuti fid-djalogu Ewro-Amerikan, minħabba t-tibdil kbir fl-istil ta' għajxien li jistgħu jwasslu għalih il-ftehimiet kummerċjali bejn iż-żewġ komunitajiet.
8.4.3
8.4.3.1 L-Istati Membri tal-UE kollha għandhom sistema pubblika ta' ħlasijiet għall-qgħad. L-integrazzjoni taż-żona Atlantika ġġib magħha r-riskju globali li, għal raġunijiet ta' kompetittività, tikber il-flessibbiltà f'dan il-qasam mingħajr ma tikber is-sigurtà. L-Ewropej jistgħu, bħall-Amerikani, jinkwetaw li s-sitwazzjoni tagħhom tiddgħajjef (18). Is-sitwazzjoni tal-ħaddiema fl-Istati Uniti marret lura mill-1970 lil hawn. Minħabba l-kriżi, l-insigurtà u l-għadd ta' ħaddiema foqra (“working poors”) żdiedu fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku. Ikkonfrontati minn kriżi ekonomika storika, iż-żewġ naħat tal-Atlantiku qegħdin jibżgħu li s-sitwazzjoni taggrava f'kuntest ta' flessibbiltà ikbar. Il-KESE jemmen li l-flessigurtà xi kultant tista' tgħin lill-impjegati, meta s-sigurtà mwiegħda tkun hemm, iżda din ma tistax tissostitwixxi impjieg stabbli li jġib miegħu salarju u pensjoni deċenti. L-Unjoni Ewropea għandha tradizzjoni ta' djalogu soċjali li jqis l-interessi rispettivi tal-partijiet involuti. Għandha testi dwar id-djalogu soċjali u l-istituzzjonijiet. Dan jeħtieġ organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema rappreżentattivi u impenjati favur it-tmexxija tan-negozjati.
9. Servizzi pubbliċi (19)
9.1 L-edukazzjoni
9.1.1 Fl-Istati Uniti, l-universitajiet, bi ħlas, huma rikonoxxuti bħala l-aqwa universitajiet fid-dinja u jiġbdu lill-Ewropej kemm bħala studenti kif ukoll bħala għalliema. Għall-Amerikani bħall-Ewropej, fil-ġejjieni l-impjieg ser ikun aktar disponibbli għall-impjegati mħarrġa sewwa u bi kwalifiki għoljin.
“Dawn ser ikunu f'pożizzjoni aħjar biex jiksbu xogħlijiet b'salarju għoli, u b'hekk isaħħu l-prosperità Amerikana.
L-għadd ta' impjiegi li jitolbu livell għoli ta' studju għandu jikber b'mod ħafna iktar mgħaġġel minn dak tax-xogħlijiet b'inqas kwalifiki. Hija prevista żieda konsiderevoli fl-impjiegi li jeħtieġu diploma universitarju jew postsekondarju professjonali.”
[Uffiċċju eżekuttiv tal-President tal-Istati Uniti – Kunsill tal-Kunsilliera Ekonomiċi (CEA), Jobs of the Future].
9.1.2 L-edukazzjoni hija t-triq lejn il-ġejjieni. Fl-UE, fejn l-edukazzjoni hija b'xejn, it-tnaqqis tas-servizzi pubbliċi u l-ibblukkar tal-politiki baġitarji nazzjonali wasslu għal sitwazzjoni fejn l-opportunitajiet ugwali qegħdin jonqsu. Bl-Istrateġija ta' Lisbona, l-UE qiegħda tirrakkomanda lill-Istati Membri li jorjentaw lill-universitajiet (studji superjuri), fl-ewwel lok lejn il-bżonnijiet tal-intrapriżi, u wara forsi lill-iskejjel sekondarji wkoll (studji sekondarji).
9.1.3 Il-KESE jqis li l-edukazzjoni għal kulħadd, l-ugwaljanza li hija tħeġġeġ bejn l-irġiel u n-nisa u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja familjali/professjonali għandhom jiggarantixxu l-opportunitajiet kollha għaċ-ċittadini. Tista' twassal għal skambji u djalogu bejn iż-żewġ soċjetajiet, pereżempju dwar l-edukazzjoni tul il-ħajja u s-sistemi ta' finanzjament, sabiex l-ekonomija ta' servizzi bbażata fuq l-għarfien tibbenefika liż-żewġ soċjetajiet filwaqt li jinstabu mezzi kif jiġu kkunsidrati dawk li m'għandhomx aċċess għaliha.
9.2 Qbil ġenerali fuq il-kummerċ tas-servizzi (AGCS)
9.2.1 Huma ċ-ċittadini tal-Unjoni li ġġieldu biex isalvaw l-industrija taċ-ċinema u jżommu l-ispeċifiċità tal-kultura Ewropea fid-dawl tal-perikli li tiffaċċja minħabba l-liberalizzazzjoni dinjija tas-servizzi. It-tħaris tal-identità Ewropea tiddependi minn tisħiħ tad-djalogu bejn il-kulturi favur iż-żamma tar-rikkezza mnibbta fid-diversità: diversi aspetti huma marbutin ma' dan, bħall-impjiegi, il-ħarsien tal-wirt, l-iżvilupp tal-innovazzjoni u tal-kreattività (ir-rwol tal-AGCS u tal-prestazzjoni ħielsa tas-servizzi).
9.2.2 Il-kultura mhijiex sempliċement merkanzija. Il-KESE jemmen li l-kultura għandha tkun parti mid-djalogu trans-Atlantiku tas-soċjetajiet ċivili organizzati.
9.3 Il-każ partikulari tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni
9.3.1 Iż-żewġ soċjetajiet qegħin jixjieħu u jridu jiġġestixxu l-immigrazzjoni tagħhom. L-isfida tikkonsisti f'li tinstab soluzzjoni għat-tixjiħ demografiku u l-bżonn ta' forza tax-xogħol, billi jinstab il-livell ta' tolleranza għall-koeżjoni soċjali. Dan jiddependi mill-politiki ta' integrazzjoni, li jridu jkunu politiki fit-tul bħala parti minn approċċ globali li jaħdem f'żewġ direzzjonijiet: immigranti/soċjetà ospitanti. Il-pressjoni interna u esterna hija qawwija. Il-KESE jqis li l-kwistjoni tal-migrazzjoni hija importanti għad-demokraziji u jixtieq li tkun is-suġġett ta' djalogu soċjali trans-Atlantiku li, rigward din il-kwistjoni, jista' jinvolvi lill-FEI.
10. Id-djalogu soċjali
10.1 Dan huwa wieħed mill-punti fejn id-diskrepanza bejn iż-żewġ soċjetajiet hija mill-ikbar. Id-djalogu soċjali msawwar mill-istorja tal-Ewropej issa sar parti mill-kultura; huwa ma jeżistix l-Amerika, fejn iċ-ċittadini m'għandhomx mezz kif isemmgħu leħinhom f'dan ir-rigward. Għandhom jinstabu mezzi kif iż-żewġ soċjetajiet jistgħu jagħtu leħen lill-impjegati u jiżviluppaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni, fuq kollox f'dan iż-żmien kritiku wara l-kriżi finanzjarja tal-2008. Il-KESE jemmen li l-istandards stabbiliti flimkien huma neċessarji biex jiġu vvalutati u mqabbla s-sitwazzjonijiet soċjali u tax-xogħol taż-żewġ kontinenti, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħin tax-xogħol u l-benefiċċji soċjali, sabiex tinħoloq viżjoni ċara tal-kompetittività ta' kull sistema f'kuntest fejn il-globalizzazzjoni tal-iskambji tuża s-salarji bħala element varjabbli ta' aġġustament.
10.2 Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2009, il-PE jipprevedi politika konġunta mal-Kungress Amerikan, bi tressiq tal-banek ċentrali Amerikani u Ewropej lejn xulxin. Madankollu, il-konvenzjonijiet tal-ILO ma ġewx irratifikati mill-Istati Uniti. Studju (20) wera li d-dinja tax-xogħol Amerikana, fejn il-protezzjoni fundamentali bħad-dritt li wieħed jitħallas salarju minimu, id-dritt li jitħallas għas-sigħat żejda maħduma, li jieħu pawża għall-ikel, li jirċievi għajnuna f'każ ta' inċident jew li jitlob kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar huma mċaħħda lil għadd kbir ta' impjegati.
10.3 Il-KESE jqis li fil-qafas tad-djalogu soċjali trans-Atlantiku, l-attenzjoni mogħtija lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċvili u b'mod partikolari tal-ħaddiema, hija insuffiċjenti.
11. Ambjent
11.1 Politika Amerikana favur l-ambjent ikollha impatt fuq l-għażliet baġitarji u fuq ix-xogħol. Għall-KESE, id-djalogu trans-Atlantiku jista' jgħaġġel is-sensibilizzazzjoni għal sostenibbiltà ikbar u għall-ħarsien tal-ambjent. Jemmen li s-soċjetà ċivili u l-konsumaturi għandhom rwol x'jaqdu biex l-ekonomija ssir iktar ekoloġika.
11.2 L-Unjoni u l-Istati Uniti għandhom ikunu kapaċi joħolqu flimkien industriji ġodda fil-qasam tal-bżonn tal-enerġiji rinnovabbli. Il-Kalifornja u l-Portugall għamlu l-istess għażliet fir-rigward tal-post li għandu jingħata lill-enerġija mix-xemx u mir-riħ. Il-KESE jqis li jkun ferm gravi għall-ġejjieni taż-żewġ setgħat jekk l-ideat ikunu tagħhom iżda mbagħad jintużaw it-teknoloġiji Ċiniżi (bħalma huwa l-każ fil-qasam tal-enerġija fotovoltajka).
12. Fil-livell istituzzjonali
12.1 L-opinjoni preċedenti tal-KESE dwar ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi ddeskriviet diversi xenarji possibbli għall-ġejjieni tat-TALD u l-KET.
12.2 Il-KESE jixtieq ikun innovattiv u jinkludi b'mod istituzzjonali lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fi djalogu trans-Atlantiku fi ħdan is-soċjetajiet ċivili organizzati. Kull djalogu, rapport, studju jew ftehim imwettaq fil-qafas tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi għandu jkollu kapitolu li jikkunsidra l-impatt soċjali tal-miżuri previsti, lil hinn mill-ħolqien tal-impjiegi. L-Istati Membri għadhom ma approvawx politika soċjali integrata fil-livell tal-Unjoni minkejja l-fatt li fil-prattika jeżisti mudell komuni reali u li dan ifisser li l-Unjoni tkun tista' tiddefendi dan il-mudell fid-djalogu mal-Istati Uniti. L-Unjoni għandha tippromovi l-MSE tagħha billi tikseb viżibbiltà ikbar fl-Istati Uniti.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Iż-żieda fil-PDG tal-Istati Membri mill-ħolqien tal-UE lil hawn hija prova ta' dan; ara wkoll in-nota 6 f'qiegħ il-paġna.
(2) KET: Kunsill Ekonomiku trans-Atlantiku; TALD: Transatlantic Labour Dialogue (djalogu fi ħdan it-trejdjunjins).
(3) ĠU C 309, 16.12.2006, p. 119-125.
(4) Ftehim iffirmat fil-White House minn G.W. Bush, A. Merkel u J.M. Barroso.
(5) PE, Riżoluzzjoni “L-istat tar-relazzjonijiet trans-Atlantiċi wara l-elezzjoni fl-Istati Uniti”.
(6) Dwar il-Mudell Soċjali Ewropew: ara l-Preambolu tat-Trattat ta' Lisbona “JIKKONFERMAW ir-rabta tagħhom mad-drittijiet soċjali fundamentali kif definiti fil-Karta Soċjali Ewropea iffirmata f'Torin fit-18 ta' Ottubru 1961 u fil-Karta Ewropea tal-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989 …”; ara TUE, Artikoli 3, 6, 32; ara TFUE, Artikolu 9 u Titolu X; ara t-Trattat ta' Lisbona-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikoli 28, 34, 35, 36.
(7) OECD, Dipartiment tal-affarijiet ekonomiċi, 2005, “Il-benefiċċji tal-liberalizzazzjoni tas-swieq tal-prodotti u tat-tnaqqis tal-ostakoli għall-iskambji u għall-investimenti internazzjonali: il-każ tal-Istati Uniti u tal-Unjoni Ewropea”.
(8) Kapitolu 1, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 117-124.
(9) Dan il-proġett ġie ppreżentat b'mod konġunt mill-Kummissarji Leon Brittan (kummerċ estern), Martin Bangemann (industrija u telekomunikazzjoni) u Mario Monti (suq intern) f'Marzu 1998. Huwa jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti u jikkonsisti minn erba' oqsma: żona ta' kummerċ ħieles għas-servizzi; it-tneħħija tal-barrieri tekniċi għall-kummerċ, b'mod speċjali mill-ftehimiet ta' rikonoxxenza reċiproka; il-liberalizzazzjoni tas-swieq pubbliċi, tal-proprjetà intellettwali u l-investimenti; eventwalment, it-tneħħija progressiva tal-ħlasijiet tad-dwana fuq il-prodotti industrijali sal-2010. Issa pospost għall-2015.
(10) Id-diżindustrijalizzazzjoni qed tkompli fl-Istati Uniti, fejn l-impjieg fil-manifattura naqas bi 30 % fl-aħħar għaxar snin u s-sehem tal-Istati Uniti fil-kummerċ dinji għadda minn 13 % għaxar snin ilu għal 9 %. Id-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni qed tkompli fl-UE. Dwar il-ħin tax-xogħol, ara l-istudju ta' Rones et al., 1997, ikkwotat fir-Revue Internationale, IRES, Nru 54-01.2001.
(11) Fl-2009 id-DĠ Relex tal-Kummissjoni għamlet sejħa għall-offerti ta' 800 000 euro għall-proġetti tas-soċjetà ċivili li jħeġġu d-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti.
(12) ĠU C 277, 17.11.2009, p. 117-124.
(13) SWIFT: Society for Worldwide Interbank Financial Communications; kumpanija Amerikana rregolata mil-leġislazzjoni Belġjana li tiġġestixxi l-iskambji internazzjonali tad-data finanzjarja ta' iktar minn 200 pajjiż.
(14) PE (05305/1/2010 REV1-C7-0004/2010-2009/0190(NLE). Ftehim SWIFT II, PE 8.7.2010 (11222/1/2010/REV1 u COR1-C7-0158/2010-0178-( NLE)).
(15) Dibattitu organizzat fis-17 ta' Marzu 2010 minn Euractiv.fr flimkien mar-RP tal-Kummissjoni f'Pariġi u bl-appoġġ tad-DTCC, Depositary Trust and Clearing Corporation, Questions d'Europe Nru 165, 6 ta' April 2010, Fondazzjoni Robert Schuman.
(16) ĠU C 288, 22.9.2009, p. 32-39.
(17) TFUE, Artikolu 9.
(18) “Middle Class in America”.
(19) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 97-102.
(20) Dan l-istudju, dottorat, sar taħt is-superviżjoni ta' Annette Bernhardt, kodirettriċi tal-politika tal-Proġett NELP (National Employment Law), abbozz ta' liġi dwar l-impjieg.
ANNESS
tal-opinjoni tal-Kumitat
L-emenda li ġejja ġabret iktar minn kwart tal-voti iżda ġiet irrifjutata:
Punt 1.4
Immodifika kif ġej:
“Il-KESE jirrakkomanda li minbarra regoli finanzjarji ġodda, iż-żona Ewro-Atlantika tfassal standards komuni dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni u regoli ġodda għal-kompetizzjoni li l-livell ta' għajxien .”
Voti favur |
: |
66 |
Voti kontra |
: |
76 |
Astensjonijiet |
: |
21 |
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/29 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rinnovazzjoni tal-metodu Komunitarju (linji gwida)” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 51/05
Relatur ġenerali: is-Sur Henri MALOSSE
Korelatur: is-Sur Georges DASSIS
Nhar is-17 ta' Diċembru 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Ir-rinnovazzjoni tal-metodu Komunitarju (linji gwida).
Is-sottokumitat dwar ir-Rinnovazzjoni tal-metodu Komunitarju, inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adotta l-opinjoni tiegħu nhar id-19 ta' Mejju 2010. Ir-relatur kien is-Sur Henri Malosse u l-korelatur kien is-Sur Georges Dassis.
Minħabba t-tiġdid tal-mandat, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-466 Sessjoni Plenarja tiegħu tad-19, l-20 u l-21 ta' Ottubru 2010 (seduta tal-21 ta' Ottubru) li jaħtar lis-Sur Malosse bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’187 vot favur, 5 voti kontra u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 L-Unjoni Ewropea, minkejja s-suċċessi kbar tagħha u l-influwenza tagħha li qed tikber, ma tiqafx tiddubita u toħloq id-dubji dwarha nnifisha. L-unjoni ekonomika u monetarja, minkejja s-suċċess favoluż tal-Euro, illum għadha qed tbati l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja, aktar milli bnadi oħra fid-dinja. L-Istrateġija ta' Lisbona ma ppermettitx lill-Unjoni li tieħu l-post ta' mexxejja dinjija fl-ekonomija tal-għarfien. Fid-dawl ta' dawn id-diffikultajiet, iċ-ċittadini qed isiru aktar impazjenti u huma ħafna dawk li qed jiddubitaw jekk l-Unjoni hijiex kapaċi tiffaċċja l-isfidi l-kbar ta' żminijietna: il-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-irkupru mill-kriżi ekonomika u finanzjarja.
1.2 F’mumenti ta' dubju, huwa dejjem tajjeb li wieħed idur għall-pedament tal-bini tal-Ewropa. Il-metodu Komunitarju li kellu s-suċċessi tiegħu fl-Unjoni Ewropea jrid jiġi rinnovat u rrilanċjat.
1.3 Il-KESE jissuġġerixxi li l-metodu Komunitarju jiġi applikat fl-oqsma li fihom iċ-ċittadini Ewropej għandhom aspettattivi għoljin: l-irkupru tal-ekonomija Ewropea, is-sistemi tal-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka aktar dinamiċi, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tal-ugwaljanza fl-opportunitajiet u l-ispirtu tal-intrapriża, il-libertà taċ-ċirkolazzjoni u l-mobbiltà tal-persuni fir-rispett tad-drittijiet soċjali, l-iżvilupp ta' servizzi ta' interess ġenerali fuq livell Ewropew l-aktar fil-qasam tal-komunikazzjoni, l-ambjent, is-saħħa, is-sigurtà u l-protezzjoni ċivili.
1.4 Dan it-tiġdid tal-metodu Komunitarju ma jistax ikun effettiv jekk ma jkunx akkumpanjat minn riżorsi adegwati bħal baġit Ewropew li jikber b’mod proporzjonat, l-iżvilupp tas-sħubijiet pubbliċi/privati, koordinament aħjar bejn il-baġits nazzjonali u dak Ewropew u l-konsolidazzjoni tal-Fond Monetarju Ewropew.
1.5 Għalhekk, il-KESE jikkonkludi li l-metodu Komunitarju ta' dan id-deċennju ma jistax ikun l-istess bħal dak tas-snin sittin jew tmenin. Hemm bżonn li llum iċ-ċittadini jipparteċipaw, speċjalment permezz tad-demokrazija parteċipattiva u bl-għajnuna tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Għalhekk, il-KESE jixtieq jara li s-soċjetà ċivili tingħata rwol akbar fl-inizjattivi ta' politika Ewropej, kif wkoll fil-valutazzjoni tal-impatt tagħhom biex jiġi żgurat li qed jiġu implimentati b’mod effettiv u biex jitranġaw in-nuqqasijiet.
1.6 Il-metodu Komunitarju jista’ u għandu jerġa jsir l-ixprun ta' impetu ġdid għall-integrazzjoni Ewropea jekk jiġi adattat b’dan il-mod għall-isfidi tal-lum u għall-aspettattivi taċ-ċittadini, jingħatawlu l-mezzi meħtieġa għall-implimentazzjoni u jiġġedded b’parteċipazzjoni aktar ħajja tas-soċjetà ċivili.
2. Għalfejn għandu jiġi rrinovat il-metodu Komunitarju
2.1 Sa mill-bidu tal-avventura Ewropea, il-metodu Komunitarju kien wara l-oriġinalità u s-suċċess tal-kostruzzjoni Ewropea li wasslet għall-Unjoni Ewropea tal-lum. Huwa kkaratterizzat minn:
— |
mezzi komuni użati għal objettivi komuni, |
— |
proġetti mmarkati mill-interess ġenerali, |
— |
disussjonijiet miftuħin u demokratiċi li jinvolvu lis-soċjetà ċivili, |
— |
deċiżjonijiet mittieħda b’maġġoranza, b’rispett tal-liġi, |
— |
kontroll amministrattiv u ġudizzjarju effettiv tal-implimentazzjoni tagħhom, |
— |
impatt u rabtiet diretti fl-ambjenti ekonomiċi u soċjali. |
Huwa fuq il-bażi ta' dan il-metodu Komunitarju li ġie garantit il-qofol tal-progress Ewropew.
2.2 L-Istati Membri żammew kompetenzi mdaqqsa, ta' spiss esklużivi fl-oqsma li mhumiex direttament koperti mit-Trattati, minn kwistjonijiet tradizzjonali ta' sovranità li jolqtu d-difiża u l-pulizija sa kwistjonijiet oħra ta' natura politika, kulturali jew speċifikament storika bħall-fiskalità jew ir-relazzjonijiet soċjali. Il-kooperazzjoni intergovernattiva f’oqsma bħal dawn hija fiha nnifisha aspett importanti tal-kostruzzjoni Ewropea li wkoll jistħoqqilha li tiġi analizzata biex jitkejjel l-impatt reali tagħha u jiġi valutat l-adattament tagħha għar-realtajiet u l-isfidi tal-Unjoni Ewropea tal-lum.
2.3 Is-suċċess tal-approċċ Komunitarju fil-kisba tal-objettivi komuni prinċipali mexa id f’id mal-iżvilupp ekonomiku u l-approfondiment politiku tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea. Dan is-suċċess wassal ukoll li tinħoloq ġibda b’saħħitha u qawwija li qatt ma dehret qabel fil-kontinent Ewropew bi tkabbiriet suċċessivi, l-ewwel lejn il-Punent, it-Tramuntana u n-Nofsinhar u wara lejn il-Lvant, bil-waqgħa tal-Purtiera tal-Ħadid.
2.4 Madankollu, matul dawn l-aħħar snin, il-metodu Komunitarju tilef il-pass u l-ġibda tiegħu. Il-Kummissjoni Ewropea mhux dejjem uriet li kellha l-mezzi jew ir-rieda li tieħu inizjattivi li jirrispondu għall-isfidi u l-aspettattivi. Madankollu, illum, l-Unjoni Ewropea għandha quddiemha sfidi ġodda bil-globalizzazzjoni, li dejjem aktar tidher li hi bla ħniena, u l-kriżi finanzjarja u ekonomika, li qed tpoġġi ħafna intrapriżi f’diffikultà, speċjalment l-SMEs, u qed iżżid l-inugwaljanzi soċjali bi ħsara għal numru dejjem akbar ta' persuni li jinsabu esklużi jew tal-anqas f’diffikultajiet kbar. Iċ-ċittadini Ewropej qed tonqsilhom dejjem aktar il-fiduċja fil-bini tal-Ewropa peress li donnha qed toħolqilhom aktar problemi milli ssolvilhom.
2.5 In-nuqqas tal-impatt Ewropew fis-Summit Dinji ta' Kopenħagen tal-2009 dwar it-tibdil fil-klima u n-nuqqas ta' kapaċità tal-Unjoni li tirreaġixxi waħedha quddiem id-diffikultajiet finanzjarji ta' wieħed mill-Istati Membri taż-żona Euro saħħew l-impressjoni li l-affarijiet mhux sejrin tajjeb, li wasslet ukoll għal instabbiltà fil-kamp finanzjarju.
2.6 Quddiem il-pass mgħaġġel tal-globalizzazzjoni, l-Unjoni Ewropea tidher li qed timxi bilmod u li nqabdet fil-kontradizzjonijiet, il-kumplessitajiet u d-dewmien tagħha. Il-KESE jirrakkomanda li mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-metodu Komunitarju għandu jiġġedded biex ikun jista’ jingħata impetu ġdid li huwa meħtieġ biex l-Ewropa ssib postha fix-xena ekonomika u politika dinjija. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE jmissu prinċipalment il-kwistjonijiet ewlenin li ġejjin:
— |
l-enfasi fuq l-identità u l-interess ġenerali Ewropew; |
— |
l-adegwatezza tal-objettivi u r-riżorsi, |
— |
l-impenn tas-soċjetà ċivili. |
3. L-enfasi fuq l-identità u l-interess ġenerali Ewropew;
3.1 Il-metodu Komunitarju mhux ser jerġa’ jitnieda jekk l-identità komuni Ewropea ma tiġix stabbilita lil hinn mill-interessi u d-diversitajiet nazzjonali. Għalhekk, mhu ser iservi għalxejn li jiġu mmultiplikati r-rakkomandazzjonijiet ġuridiċi biex jinfetħu l-appalti pubbliċi jekk l-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom m’għandhom l-ebda inċentiv ġenwin biex jixtru prodotti Ewropej, bil-biża’ li jurtaw lil dawk li jħallsu t-taxxi u taħt il-pressjoni mill-kumpaniji “tagħhom”, filwaqt li l-kunċett “Ewropew” jibqa’ marbut ma' dak ta' “barrani”. Madankollu, quddiem il-globalizzazzjoni, hija biss Ewropa magħquda madwar dawn l-objettivi komuni u essenzjali li tista’ tkun kapaċi tiksibhom.
3.2 Għalhekk hemm bżonn li jiġi definit x’inhu l-interess ġenerali Komunitarju. Il-Kummissjoni teħtieġ tistimula aktar id-diskussjoni f’dan il-qasam u mhux tibqa’ fil-ġenb bħalma ġara reċentement waqt il-kriżi finanzjarja u d-diffikultajiet ta' wieħed mill-Istati Membri taż-żona Euro. Ta’ spiss tidher li toqgħod attenta li ma turtax l-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet nazzjonali filwaqt li l-interess komuni, li hu mifhum minn kulħadd, spiss jeħtieġ soluzzjonijiet ibbażati fuq is-solidarjetà u l-kunċett ta' komunità ta' interessi.
3.3 Jidher li hu dejjem aktar diffiċli għall-Kummissjoni Ewropea li tiddefinixxi u tirrappreżenta dan l-interess ġenerali Ewropew. Iżda dan hu r-rwol tagħha. Hemm bżonn li terġa taqbad ir-ritmu tas-snin 60 u 80. Illum il-ġurnata m’għadhiex waħedha u t-twaqqif ta' trijanglu istituzzjonali ġdid, b’Parlament imsaħħaħ u President permanenti tal-Kunsill Ewropew, għandu jħeġġiġha sabiex twettaq ir-rwol tagħha ta' istituzzjoni li tipproponi u tikkontrolla b’mod aktar sħiħ.
3.4 Minn issa ’l quddiem, il-Parlament Ewropew irid jieħu rwol ewlieni fid-definizzjoni tal-interess ġenerali Ewropew peress li jirrappreżenta liċ-ċittadini. Biswit il-Kummissjoni Ewropea, iż-żewġ Kumitati konsultattivi (il-KESE u l-KtR) iridu jkunu jistgħu jaqdu rwol ta' lieva biex jistimulaw u jsaħħu l-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea mingħajr ma jinsew id-dritt tal-inizjattiva taċ-ċittadini, kif ukoll ir-rabtiet l-oħra kollha mas-soċjetà ċivili.
3.5 Ir-reviżjoni tal-metodu Komunitarju ma jagħmilx sens jekk dan ma jiġix akkumpanjat minn reviżjoni tal-kunċett tas-“sussidjarjetà” li ma ġiex interpretat ħlief f’sens wieħed, jiġifieri bħala strument li jfixkel l-applikazzjoni tal-metodu Komunitarju u l-implimentazzjoni ta' politiki Komunitarji ġodda. Hemm bżonn ta' approċċ ġdid u aktar dinamiku għal dan il-kunċett, li jkun ibbażat fuq il-prinċipju li, għal raġunijiet ta' effikaċja u ta' ekonomija fuq skala kbira, se jkun jaqbel li, aktar ta' spiss, dawk is-setturi li għandhom bżonn riżorsi kbar jiġu trasferiti għal-livell Ewropew: infrastrutturi, riċerka u żvilupp, politika industrijali, difiża, politika barranija, sigurtà, il-ġlieda kontra n-nuqqas ta' saħħa, eċċ. Iċ-ċittadini Ewropej huma kapaċi jifhmu dan jekk il-politiċi nazzjonali tagħhom ma jibqgħux jaħbulhom il-verità.
3.6 Quddiem id-divarju dejjem ikbar bejn iċ-ċittadini u l-isituzzjonijiet Ewropej, huwa importanti li l-Unjoni tiddefinixxi oqsma ġodda għall-applikazzjoni tal-metodu Komunitarju li jkunu jirriflettu l-aspettattivi kbar taċ-ċittadini.
3.6.1 Għalhekk wasal iż-żmien li jiġu żviluppati servizzi Ewropej ta' interess ġenerali fl-oqsma fejn l-iżvilupp tas-sitwazzjonijiet u l-isfidi jwasslu biex dawn ikunu meħtieġa: protezzjoni ċivili, għajnuna fl-urġenzi internazzjonali, servizz tad-dwana, trasport, ċentri tar-riċerka, netwerks ta' veloċità għolja, eċċ. Fuq dawn il-bażijiet ġodda, ikun possibbli li jiġu promossi konċessjonijiet Ewropej ta' interess ġenerali permezz ta' sħubijiet pubbliċi/privati għall-iżvilupp tan-netwerks trans-Ewropej (trasport, enerġija, telekomunikazzjoni) biex b’hekk tissaħħaħ il-koeżjoni u l-kompetittività tal-Unjoni Ewropea.
3.6.2 Biex il-ħajja taċ-ċittadini u l-intrapriżi ssir aktar faċli u dawn isiru konxji tar-realtà tas-suq uniku, jistgħu jittieħdu għadd ta' inizjattivi li l-utilità tagħhom għall-interess ġenerali ilha li ġiet aċċettata: politika industrijali Ewropea kkaratterizzata minn sinerġiji biex tiġi ffaċċjata l-globalizzazzjoni, statut Ewropew għall-SMEs, għall-fondazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet, servizz wieħed tat-taxxa għall-attivitajiet transkonfinali tal-SMEs, privattiva Komunitarja. Bl-istess mod għandhom jiġu żviluppati għadd ta' strumenti leġislattivi li jiggarantixxu ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-persuni fir-rispett tad-drittijiet soċjali u l-konvenzjonijiet kollettivi. Speċjalment fil-qasam tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-konsumaturi, jistgħu jinbtu wkoll inizjattivi oħra wara l-inizjattivi taċ-ċittadini, imwasslin l-aktar mill-Parlament u mill-KESE.
3.6.3 Kif ġie enfasizzat diversi drabi mill-KESE, l-għażla ta' direttivi fil-qasam kruċjali tal-appalti pubbliċi wasslet għal falliment enormi, l-akbar falliment minn mindu nħoloq is-suq uniku. Tletin sena wara l-Att Uniku Ewropew, l-appalti pubbliċi għadhom wisq frammentati. In-nuqqas ta' spirtu Komunitarju, l-għadd ta' direttivi Ewropej iddettaljati ħafna, il-leġislazzjonijiet nazzjonali addizzjonali kif ukoll id-derogi numerużi wasslu biex tinżamm l-iżolazzjoni tal-ekwivalenti ta' 15 % tal-PDG Ewropew. F’dan il-qasam, l-istess bħal f’oqsma oħra fejn dan jgħodd, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti preferenza lir-regolament b’applikazzjoni diretta minflok lid-direttiva li l-implimentazzjoni tagħha tinvolvi traspożizzjoni fil-livell nazzjonali.
3.6.4 L-Unjoni Ewropea għandha żżid l-investiment tagħha fit-“trijanglu tal-għarfien”: l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni. L-edukazzjoni, li kulħadd jaf li hija element essenzjali għall-irkupru tal-Ewropa, ma tistax tibqa’ stranġiera għall-Unjoni Ewropea. Fuq il-bażi tas-suċċess tal-inizjattiva Erasmus, hemm bżonn li fil-livell Ewropew jitnedew programmi aktar ambizzjużi ta' mobilità, skambji appoġġjati min-netwerk Ewropew tal-universitajiet, inizjattivi partikulari li jippromovu kompetenzi prinċipali, l-iżvilupp tal-intraprenditorjat u azzjonijiet favur gruppi mmirati fuq il-pjan Ewropew permezz ta' approċċ ġdid ta' interess ġenerali. Fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-tmien Programm Qafas Ewropew irid isir is-simbolu ta' Ewropa ġdida u jiffoka fuq oqsma bħan-nanoteknoloġiji b’ċentri tar-riċerka komunitarji, proġett industrijali ġenwinament Ewropew u mezzi umani u finanzjarji adegwati.
3.6.5 L-unjoni ekonomika u monetarja trid tiġi stabbilita fil-qalba ta' din l-identità u din il-koeżjoni Ewropea. Illum dan kollu huwa ’l bogħod mir-realtà, bħalma juru b’mod ċar il-politiki nazzjonali differenti tal-pajjiżi tal-UE, membri taż-żona Euro quddiem il-kriżi ekonomika u finanzjarja. Il-membri taż-żona Euro jridu jsiru laboratorju avvanzat tal-integrazzjoni ekonomika u finanzjarja, billi bejniethom jiżviluppaw kooperazzjoni msaħħa li toħloq effett ta' impetu pożittiv għad-dinamiżmu u l-effikaċja tal-Unjoni kollha. Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li timmira li tissorvelja l-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri. Fil-fehma tiegħu dan ir-rwol irid imur lil hinn minn wieħed ta' kontabilità tat-tip OECD u jqis il-prijoritajiet politiċi taċ-ċittadini tal-Unjoni, speċjalment f’termini ta' koeżjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-esklużjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp tal-kreattività u l-intraprenditorija.
3.6.6 L-Unjoni Ewropea, bis-saħħa tal-munita unika tagħha, għandha wkoll titkellem b’vuċi waħda fil-laqgħat ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali, partikularment dik tal-G20 u ssaħħaħ, fil-livell Ewropew, il-parteċipazzjoni tagħha fl-FMI u l-Bank Dinji.
3.6.7 It-tisħiħ tal-politika barranija Ewropea huwa element prinċipali tat-Trattat ta' Lisbona. Dan jinkludi partikularment il-ħolqien ta' servizz diplomatiku, kariga għal Rappreżentant Għoli (amalgamata mal-funzjoni ta' Viċi President tal-Kummissjoni) u l-ħolqien ta' delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi terzi li jissostitwixxu d-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa importanti li t-Trattat jiġi implimentat b’mod ambizzjuż sabiex l-Ewropa titkellem effettivament b’vuċi waħda, id-diskors tagħha jkollu aktar piż u koerenza għall-barranin filwaqt li b’mod strutturat torganizza fuq il-pjan politiku, ekonomiku, kulturali, xjentifiku u kummerċjali, koordinazzjoni ġenwina tal-azzjonijiet barranin minflok ma tintilef fuq ir-rivalitajiet żgħar li jservu biss biex idgħajfu l-pożizzjoni tal-Unjoni.
4. L-adegwatezza tal-objettivi u r-riżorsi
4.1 Jekk ħafna mill-objettivi Komunitarji twettqu biss parzjalment, ta' spiss dan kien minħabba n-nuqqas ta' determinazzjoni li dawn jitwettqu b’mod komplet u n-nuqqas ta' allokazzjoni tar-riżorsi komuni neċessarji.
4.1.1 Bl-istess mod, fir-rigward tar-rilanċ tas-suq intern, ir-rapport ta' Mario Monti (1) jagħmel xi suġġerimenti relevanti ħafna biex jiżgura l-implimentazzjoni effettiva tiegħu: tisħiħ tan-netwerk SOLVIT, valutazzjoni tal-implimentazzjoni tad-direttivi, parteċipazzjoni tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, il-parlamenti nazzjonali u s-soċjetà ċivili, tneħħija tal-aħħar ostakli partikularment dawk marbutin mal-mobilità tal-persuni. Għaldaqstant il-KESE jirrakkomanda li dan ir-rapport, wara konsultazzjoni adatta mal-partijiet differenti tas-soċjetà ċivili, irid jiġi segwit minn pjan ta' azzjoni preċiż b’kalendarju tal-implimentazzjoni.
4.1.2 Ser ikun hemm bżonn ta' għajnuna baġitarja mill-Unjoni f’forma adegwata (allokazzjonijiet baġitarji, self, sħubijiet pubbliċi/privati, eċċ.) sabiex jindirizzaw l-oqsma l-ġodda ta' applikazzjoni tal-metodu Komunitarju. Is-suċċess tal-KEFA fl-1951 kien ibbażat fuq il-fatt li l-mezzi kienu adattati għall-objettivi. Il-baġit attwali tal-Unjoni (inqas minn 1 % tal-PDG) huwa baxx wisq biex jinkisbu l-objettivi mistennija miċ-ċittadini fl-oqsma kollha fejn hemm bżonn ta' intervent aktar effikaċi. Tkabbir regolari fil-baġit bejn l-2013 u l-2020 lejn l-objettiv ta' 2 % tal-PDG jidher li huwa objettiv li jista’ jintlaħaq li m’għandu jsib l-ebda oġġezzjoni, fid-dawl tal-ekonomiji ta' skala u l-bżonn li jonqos id-dejn pubbliku tal-Istati Membri – sakemm il-prinċipju tat-trasferimenti baġitarji mil-livell nazzjonali lejn il-livell Ewropew jinftiehem mill-gvernijiet u jiġi spjegat tajjeb liċ-ċittadini. B’mod partikulari, huwa jippermetti li jiġu ffinanzjati l-ħtiġijiet ta' investiment u ta' netwerks kbar, jiġi appoġġjat it-trijanglu tal-għarfien (l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni) li tissaħħaħ il-politika ta' koeżjoni u li l-Unjoni tingħata l-mezzi umani u finanzjarji għall-politika barranija tagħha.
4.1.3 Biex tiffinanzja dan l-impenn minn issa sal-2020, l-UE ser ikollha bżonn ir-riżorsi tagħha, kif ukoll li l-baġits nazzjonali u dak Ewropew ikunu kkoordinati aħjar. Fid-dawl tad-defiċits li qed jikbru fil-finanzi pubbliċi wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, ser ikun faċli li wieħed juri li d-dejn jonqos aktar malajr, mingħajr ma jiġi ssagrifikat it-tkabbir, billi r-riżorsi jitpoġġew flimkien biex jiġu ffinanzjati nefqiet pubbliċi bħad-difiża, is-sigurtà tal-fruntieri, l-għajnuna barranija, ir-riċerka, il-politika industrijali eċċ. L-Istati Membri jridu juru r-rieda politika tagħhom li jaqbdu din it-triq.
4.1.4 Quddiem il-kriżi finanzjarja, pass importanti kien ikun il-ħolqien ta' Fond Monetarju Ewropew ġenwin li jaġixxi fuq, u jistabbilizza ż-żona Euro (speċi ta' Riżerva Federali Ewropea) li kien jippermetti li b’mod solidali jiġu affrontati d-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom xi wieħed mill-membri tiegħu. Kien hemm bżonn tal-waqa’ tal-Euro u tad-deterjorazzjoni tal-kriżi f’wieħed mill-Istati Membri biex dawn l-Istati waqqfu Fond embrijoniku u ddeċidew li jaġixxu, mhux aktar fuq livell bilaterali iżda b’mod kollettiv – filwaqt li xorta kien għad hemm bżonn tal-għajnuna addizzjonali tal-FMI.
4.1.5 Barra minn hekk, jidher biċ-ċar li l-kisba tal-objettivi tal-integrazzjoni u l-koeżjoni jeħtieġu allokazzjoni aħjar tar-riżorsi Ewropej biex jiġi pprovdut appoġġ aħjar lill-programmi transkonfinali, li għalihom hemm allokat biss 1 % tal-baġit, minkejja li jaqdu rwol indispensabbli ta' tisħiħ għat-tħaddim tajjeb tas-suq uniku. Is-suċċess tal-istrateġija 2020 jiddependi kemm mill-kwistjoni tal-mezzi kif ukoll mill-appoġġ effettiv li ċ-ċittadini jagħtu lil dawn l-objettivi, li mhuwiex il-każ fil-preżent.
4.2 L-Ewropa ta' 27 pajjiż ma tistax tibqa’ tiggverna ruħha kif kienet l-Ewropa ta' 6 pajjiżi. It-trijanglu istituzzjonali bir-raġun qed jagħti aktar importanza lill-Parlament Ewropew. L-istituzzjonijiet u l-implimentazzjoni kemm jista’ jkun mgħaġġla tad-dritt tal-inizjattiva taċ-ċittadini jridu jagħmlu minn dan strument verament demokratiku.
4.2.1 L-estensjoni tal-kompetenzi Komunitarji mxiet flimkien mal-estensjoni tal-proċedura tal-kodeċiżjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill. Min-naħa l-oħra, it-trattati suċċessivi li fformulaw dawn ir-regoli ġodda ma tantx fittxew li jadattaw il-proċeduri ta' konsultazzjoni kif hemm bżonn. Fil-mument, il-KESE jiġi kkonsultat dwar il-proposti tal-Kummissjoni meta tibda l-proċedura ta' kodeċiżjoni, filwaqt li dan għandu jsir ħafna qabel.
4.2.2 Il-KESE kieku jaqdi r-rwol konsultattiv tiegħu b’mod aktar effikaċi jekk jiġi kkonsultat qabel dawk li jieħdu l-kodeċiżjoni, hekk kif titħejja l-analiżi preliminari tal-impatt. Il-kunċett ta' opinjoni esploratorja hekk jieħu s-sens kollu tiegħu. L-opinjoni tal-Kumitat flimkien mal-analiżi tal-impatt imbagħad ikunu jistgħu jiġu mehmużin mal-proposta tal-Kumissjoni li tintbagħat lil dawk li jieħdu l-kodeċiżjoni. Ir-relatur tal-KESE jrid ukoll jiġi mismugħ mill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew.
4.2.3 Il-Kummissjoni għandha tassigura wkoll li jsiru konsultazzjonijiet adegwati meta tkun ser tirtira xi proposta li tkun diġà saret, b’mod partikulari meta din tkun tikkonċerna direttament lill-atturi tas-soċjetà ċivili. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kellhiex tirtira l-proposta għal Statut Ewropew tal-Assoċjazzjonijiet mingħajr konsultazzjoni.
4.2.4 Fil-qasam tal-governanza, l-Unjoni trid tiggarantixxi b’mod aktar proattiv il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa li jippermetti lil dawn tal-aħħar li jsibu posthom b’mod ugwali fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet u l-konsultazzjoni.
4.3 It-Trattat ta' Lisbona reġa’ wessa’ l-ambitu tad-deċiżjonijiet adotatti b’maġġoranza kwalifikata, li għalhekk isiru r-regola tal-funzjonament tal-UE 27. L-unanimità madankollu tibqa’ neċessarja f’ċerti oqsma li huma marbutin ħafna mal-affarijiet Komunitarji, bħal pereżempju l-fiskalità. L-esperjenza tindika b’mod ċar li esiġenza bħal din faċilment tibblokka l-funzjonament tal-Unjoni fl-oqsma fejn l-unanimità għadha teżisti. Għalhekk huwa kemxejn paradossali li l-Unjoni, li kellha x-xewqa li ssir l-ekonomija tal-għarfien l-aktar kompetittiva u l-aktar dinamika fid-dinja, ma rnexxilhiex, minkejja l-intenzjonijiet iddikjarati ripetutament mill-Kunsill Ewropew, tiżblokka l-adozzjoni tal-privattiva Komunitarja, li għadha soġġetta għall-unanimità!
4.3.1 Diversi preċedenti jindikaw madankollu li l-metodu Komunitarju xi kultant ippermetta li jinstabu, meta dan kien neċessarju, il-mezzi neċessarji biex jingħeleb l-ostaklu tal-unanimità. B’dan il-mod, il-Protokoll Soċjali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali Soċjali setgħu jitkomplew bi 11-il pajjiż parteċipant, bir-Renju Unit jingħaqad magħhom aktar tard. Ma nistgħux napplikaw l-eżempju ta' din il-flessibbiltà għal oqsma oħra fejn illum teżisti l-problema ta' blokk, bħall-privattiva Komunitarja jew l-armonizzazzjoni tal-bażi fiskali tal-kumpaniji?
4.3.2 L-UEM hija probabbilment l-aħjar eżempju ta' kooperazzjoni msaħħa li rnexxiet, li bdiet bi grupp żgħir ta' pajjiżi li kien miftuħ għal dawk li kellhom il-kapaċità li jintegraw. Iżda, l-Eurogrupp għadu ma rnexxilux, anke b’Bank Ċentrali Ewropew ta' natura federali, jiżviluppa governanza ekonomika komuni tal-istess livell tal-unjoni monetarja. Il-ħin mitluf matul l-aħħar għaxar snin huwa ta' tħassib. Sakemm dan ma jiġix progressivament assorbit matul l-għaxar snin li ġejjin, ser jhedded il-koeżjoni, il-kompetittività u l-impjiegi taż-żona Euro, mingħajr ma tintesa, ovvjament, il-vijabbiltà tal-Euro nnifisha. Biex dan jiġi rimedjat, hemm bżonn li t-tħaddim tal-Eurogrupp jiġi rivedut biex isir aktar effikaċi u trasparenti, partikularment billi l-kapijiet tal-Istat jew tal-gvern taż-żona Euro jiltaqgħu fuq bażi regolari (u mhux biss f’sitwazzjoni ta' kriżi) u billi l-laqgħat jinfetħu għal ministri oħra kkonċernati mill-valur tal-Euro: affarijiet soċjali, industrija eċċ.
4.4 F’Ewropa b’27 Stat Membru, bla dubju, il-kwistjoni tat-traspożizzjoni korretta tad-direttivi u tal-Ewrokompatibilità tal-politiki nazzjonali għandha piż importanti. Għalxejn tiġi ffaċilitata l-adozzjoni tad-direttivi jekk l-Istati Membri jieħdu l-ħin biex jimplimentawhom fl-iskadenzi preskritti jew iżidu dispożizzjonijiet nazzjonali superfluwi.
4.4.1 Il-Kummissjoni għandha ttejjeb it-tabelli tagħha ta' valutazzjoni tat-traspożizzjoni tad-direttivi, li ta' spiss jippermettu li ssir pressjoni effikaċi fuq l-Istati Membri li qegħdin jibqgħu lura. L-imsieħba tas-soċjetà ċivili jridu jiġu kkonsultati f’dawn is-sitwazzjonijiet.
4.4.2 L-għajnuniet Komunitarji jridu jiffokaw l-aktar, meta dan ikun neċessarju, fuq it-titjib tal-kondizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jittrasponu u japplikaw ir-regolamentazzjoni komuni u fuq it-tneħħija tal-ostakli u t-tfixkil li għadhom jeżistu f’dawn l-oqsma.
5. L-impenn tas-soċjetà ċivili.
5.1 Hemm tendenza li spiss jintnesa l-objettiv tal-kostruzzjoni Ewropea, kif kien ġie ddikkjarat minn Jean Monnet: “aħna ma nagħmlux koalizzjonijiet bejn l-Istati, aħna ngħaqqdu n-nies”. L-isfiduċja murija mill-elettorat matul il-konsultazzjonijiet li saru dawn l-aħħar snin dwar il-futur tal-Ewropa għandha twassal biex jiġi analizzat il-mod li bih tipparteċipa s-soċjetà ċivili, li llum jidher biċ-ċar li mhuwiex adegwat.
5.2 Ir-regolamentazzjoni Komunitarja qed tkompli titħejja f’kondizzjonijiet li huma wisq ’il bogħod miċ-ċittadini. L-istennijiet ġustifikati tagħhom dwar il-libertajiet, is-sigurtà u s-semplifikazzjoni ta' spiss ikunu delużi minħabba l-paraliżi deċiżjonali jew il-kompromessi, wisq modesti, mill-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom. Huwa għalhekk li hemm bżonn li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, u b’mod partikulari tal-utenti, fi ħdan il-kumitati regolatorji, fuq il-bażi tal-metodi li ġew ippruvati mill-proġetti ta' semplifikazzjoni SLIM, iżda did-darba dan għandu jsir minn isfel għal fuq, matul il-proċess ta' tħejjija tar-regolamentazzjoni, minflok minn fuq għal isfel, meta dan ikun diġà ġie adottat u jkun hemm ħafna għaġla biex jiġu kkoreġuti l-agħar żbalji li jesperjenzaw l-istess utenti.
5.3 Huwa wkoll kruċjali li l-atturi tas-soċjetà ċivili jingħataw spazji Ewropej fejn ikunu ħielsa u responsabbli li jiddefinixxu regoli komuni li jikkonċernawhom, permezz ta' prattiki awtonomi ta' awtoregolamentazzjoni jew billi jippreċiżaw ċerti aspetti tar-regolamentazzjoni pubblika fil-qasam tagħhom, bi stedina mill-leġislatur biex jitħejjew il-koregolamenti. L-indipendenza kuntrattwali tal-imsieħba soċjali Ewropej ingħatatilhom bit-Trattat ta' Maastricht fuq talba espliċita tagħhom. Filwaqt li t-Trattat ma jipprevedix dan espliċitament, ġew żviluppati wkoll approċċi simili f’oqsma oħra: l-standardizzazzjoni teknika, ir-rikonoxximent professjonali, il-prestazzjoni ta' servizzi, il-kummerċ, b’mod partikulari l-kummerċ elettroniku, is-sigurtà tal-kunsinna u tal-pagament, id-drittijiet tal-konsumaturi, l-enerġija u l-ambjent. Il-Kumitat wettaq sondaġġ dwar dan u appoġġjahom f’rapport ta' informazzjoni. Ftehim interistituzzjonali Ewropew tal-2003 pprovda l-qafas proċedurali. Issa hemm bżonn li l-leġislatur Ewropew jinkorpora fir-regolament tiegħu spazji ta' libertà li jħeġġu dawn il-prattiki, taħt il-kontroll tiegħu u b’mod komplementari għall-attività tiegħu. Dan l-appoġġ għandu jikkonċerna wkoll metodi alternattivi biex jiġu solvuti l-kunflitti, bħall-konċiljazzjoni u l-medjazzjoni.
5.4 L-Ewropa ma tistax timxi ’l quddiem jekk l-Ewropej ma jiġux imħajra li jħossuhom u jaġixxu ta' Ewropej. Dan jissoponi li jingħatawlhom l-għodod komuni li għad m’għandhomx: drittijiet ekonomiċi u soċjali aktar ċari, proċeduri aktar sempliċi, mezzi ġuridiċi aktar awtonomi, statuti komuni inqas limitati (ara l-assoċjazzjonijiet, il-kumpaniji, il-fondazzjonijiet). Huwa l-ewwel nett fil-livell lokali (taċ-ċittadini, l-assoċjazzjonijiet, l-awtoritajiet lokali) li l-Ewropa trid tinħass bħala ħtieġa u ssir ambizzjoni u sors ta' kburija komuni.
5.5 Għalhekk għandu jitnieda programm multiannwali, bi skeda preċiża li tkopri l-għaxar snin mill-2010, biex l-Ewropej stess jingħataw il-mezzi ħalli flimkien jaqdu rwol ta' xprun, li mingħajru ma jistax ikun hemm tiġdid tal-metodu Komunitarju.
5.6 Bl-appoġġ indispensabbli tal-Parlament Ewropew, il-KESE, il-KtR u l-organizzazzjonijiet Ewropej kbar tas-soċjetà ċivili li huma marbutin mat-3 gruppi tal-Kumitat (Min Iħaddem, Impjegati u Interessi Varji), jistgħu jippruvaw iniedu konsultazzjoni wiesgħa dwar it-temi prinċipali ta' interess ġenerali għall-għaxar snin li ġejjin li probabbilment jibbenefikaw minn rilanċ tal-metodu Komunitarju, li fil-verità jfisser politiki komuni ġodda.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) “Strateġija ġdida għas-Suq Uniku – għas-servizz tal-ekonomija u s-soċjetà Ewropea” [traduzzjoni mhux uffiċjali] – Rapport lill-President tal-Kummissjoni Ewropea mressaq minn Mario Monti, 9.5.2010.
III Atti preparatorji
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-466 sessjoni plenarja tad-19, 20 u 21 ta’ Ottubru 2010
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/35 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 54 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti”
(Verżjoni kodifikata)
COM(2010) 388 finali — 2008/0173 (COD)
2011/C 51/06
Nhar id-9 ta' Settembru 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 50 (1) u (2) (g) u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 54 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta' kumpanniji pubbliċi ta' responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti
COM(2010) 388 finali — 2008/0173 (COD)
Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010, b’123 voti favur, u 2 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/36 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata”
(Kodifikazzjoni)
COM(2010) 391 finali – 2008/0009 (COD)
2011/C 51/07
Nhar is-16 ta' Settembru 2010, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikoli 50(1) u (2)(g) u l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mergers ta' kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata
COM(2010) 391 finali – 2008/0009 (COD)
Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2010, b’114-il vot favur u 4 astensjonijiet, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/37 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Strateġija Ewropea dwar vetturi ta’ enerġija nadifa u effiċjenti”
COM(2010) 186 finali
2011/C 51/08
Relatur Ġenerali: is-Sur MORGAN
Nhar it-28 ta’ April 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew - Strateġija Ewropea dwar vetturi ta’ enerġija nadifa u effiċjenti
COM(2010) 186 finali.
Minħabba t-tiġdid tal-mandat tal-Kumitat, l-Assemblea Plenarja ddeċidiet li tivvota dwar din l-opinjoni waqt is-sessjoni plenarja ta’ Ottubru, u ħatret lis-Sur MORGAN bħala relatur ġenerali skont l-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura.
Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’183 vot favur, u 14-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE dwar vetturi ta’ enerġija nadifa u effiċjenti. Din se tindirizza t-tħassib tal-KESE dwar it-tnaqqis tal-idrokarburi, l-emissjonijiet tal-karbonju u t-tniġġis atmosferiku. Huwa essenzjali li l-istrateġija tkun olistika. Xejn mhu mirbuħ jekk it-tniġġis u l-emissjonijiet jiġu sempliċement trasferiti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-produzzjoni tal-vetturi, jew jekk l-istrateġiji bijoloġiċi jwasslu għal danni bijoloġiċi bħad-deforestazzjoni. Il-konformità tal-UE mal-miri ta’ Kyoto ġiet kompromessa mit-trasport bit-triq; din l-istrateġija ilha mistennija.
1.2 Fl-għoxrin sena li ġejjin il-vetturi mħaddma minn magni ta’ kombustjoni interna (ICVs) ser ikunu għadhom l-aktar mod ta’ transport importanti, u għalhekk il-KESE jistenna li l-istrateġija tkun ta’ inċentiv għal teknoloġija rivoluzzjonarja għall-ICVs, kif ukoll għall-forom aktar innovattivi ta’ propulsjoni. Għadu kmieni wisq biex jittieħdu deċiżjonijiet definittivi dwar it-teknoloġija. F’dan l-istadju rridu nħallu l-iżvilupp iseħħ.
1.3 L-istrateġija għandha żżid il-kompetittività globali tal-industrija tal-karozzi tal-UE. Ir-regolamenti għandhom jiżguraw li l-vetturi jsiru progressivament nodfa u effiċjenti, iżda l-kompetittività tal-ġejjieni ser tiddependi wkoll minn innovazzjoni radikali tal-ICV fil-karozzi, karozzi tal-linja u HGVs (vetturi ta’ merkanzija tqila), flimkien mal-iżvilupp tal-vettura elettrika.
1.4 L-iżvilupp tal-vettura elettrika ilu jeżisti bħala ambizzjoni għal aktar minn mitt sena, iżda kwistjonijiet varji, b’mod speċjali t-tul tal-ħajja tal-batterija, wasslu biex il-vettura elettrika ma tkunx alternattiva vijabbli għall-ICVs. Il-kwistjoni ambjentali biddlet ir-regoli bażiċi. Iktar ma jkunu qed jiġu użati vetturi elettriċi, iktar se tkun tajba l-prestazzjoni ambjentali kemm tal-fabbrikanti kif ukoll tal-utenti. Fl-istess ħin, ICVs żgħar jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konġestjoni urbana.
1.5 F’Lulju l-KESE approva opinjoni tas-Sur Osborn – CESE 429/2010 fin – “Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi”. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ dik l-opinjoni ġew adegwatament indirizzati mill-Istrateġija.
1.6 Din hija strateġija tal-UE, iżda s-suċċess tagħha jiddependi mill-politiki tal-gvernijiet nazzjonali u lokali tal-Istati Membri, mill-kapaċità industrijali tagħhom u mill-affluwenza u l-attitudnijiet tal-konsumaturi tagħhom. Huwa inevitabbli li l-implimentazzjoni ser tipproċedi b’rati differenti ta’ veloċità, peress li l-Istati Membri jinsabu f’punti ta’ tluq differenti. Huwa essenzjali li l-aktar bliet u stati avvanzati jkunu kapaċi jilqgħu l-isfida tal-Istati Uniti u l-Asja.
1.7 Is-soċjetà Ewropea għandha tkun involuta fix-xogħlijiet biex l-istrateġija taħdem. Id-Direttiva 2009/33/KE tinvolvi lis-settur pubbliku, filwaqt li l-Kumpaniji fis-settur privat huma involuti permezz tar-rapporti ambjentali tagħhom. Individwi li jieħdu deċiżjonijiet ta’ xiri, kemm għal karozzi personali u kemm għal karozzi tal-kumpanija, għandhom jirċievu taħlita ta’ inċentivi u diżinċentivi finanzjarji sabiex dawn jiġu attratti lejn vetturi b’enerġija nadifa u effiċjenti.
1.8 Peress li ħafna mit-trasport użat mill-istituzzjonijiet tal-UE huwa għal vjaġġi qosra fi Brussell, il-Lussemburgu u Strasburgu, il-KESE jemmen li hemm opportunità għall-istituzzjonijiet tal-UE biex jiżviluppaw pjan tat-trasport eżemplari li jkun nadif u effiċjenti.
1.9 Il-KESE jenfasizza l-livell tal-investiment meħtieġ fin-netwerks ta’ distribuzzjoni u faċilitajiet fiżiċi tal-ġejjieni sabiex jissostitwixxi triljuni ta’ dollari li ġew investiti fl-ekonomija tal-idrokarburi.
1.10 Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin meħudin mit-taqsima 5 hawn isfel:
1.10.1 |
L-UE u l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-ICV u r-riċerka u l-iżvilupp għal vetturi żgħar innovattivi u sistemi ta’ produzzjoni rivoluzzjonarji u għandhom ineħħu l-ostakli għad-dħul fis-suq. |
1.10.2 |
Miri simili għal dawk li hemm fis-seħħ għal fabbrikanti tal-karozzi għandhom japplikaw ukoll għal vetturi ta’ strapazz. |
1.10.3 |
Għandhom jiġu appoġġjati b’mod konsistenti l-programmi għal HGVs u karozzi tal-linja b’enerġija nadifa u effiċjenti sakemm il-vetturi jkunu kompetittivi fis-suq globali. |
1.10.4 |
Peress li l-bijokarburanti huma mistennija li jissodisfaw 7 % tal-ħtiġijiet tal-karburant tal-UE sal-2020, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkonferma din il-mira jew timmodifika l-politika tagħha. |
1.10.5 |
L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-fabbrikanti u lill-utenti potenzjali biex jinnovaw b’karburanti alternattivi f’forma ta’ gass. |
1.10.6 |
L-Istati Membri għandhom jagħtu inċentiv għal adozzjoni bikrija tal-EVs sabiex id-distribuzzjoni tal-EVs fl-UE ma tibqax lura wara reġjuni oħra. |
1.10.7 |
Fabbrikanti kbar tal-karozzi għandhom jitħeġġu jibdew u jiżviluppaw il-produzzjoni tal-batterija fl-Ewropa. |
1.10.8 |
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-korpi dwar l-istandards jieħdu azzjoni malajr fir-rigward tal-EV. |
1.10.9 |
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien sabiex ikunu żgurati provvisti futuri ta’ elementi terrestri rari u skarsi u metalli nobbli. |
1.10.10 |
L-istrateġija fuq medda twila ta’ żmien għall FCVs (Fuel Cell Vehicles) li jaħdmu bl-idroġenu għandha tinkludi għażliet oħra fil-każ li l-FCVs ma jirriżultawx vijabbli. |
1.10.11 |
L-awtoritajiet pubbliċi, l-impriżi tas-servizz pubbliku u kumpaniji pubbliċi u privati kbar għandhom joperaw skont linji gwida u miri għall-konsum u l-emissjonijiet tal-karburant. |
1.10.12 |
Għandha tiġi stabbilita gwida għall-kriterji varji li għandhom jintużaw għall-akkwist skont id-Direttiva 2009/33/KE. |
1.10.13 |
Ir-rappurtaġġ tal-kumpaniji pubbliċi u privati dwar l-użu tal-idrokarburi għandu jiġi mmodifikat sabiex jidentifika l-kontenut tat-trasport. |
1.10.14 |
Il-pjan ta’ azzjoni globali ma jinkludix komponent li jirrigwarda d-WTO. |
1.10.15 |
Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili b’impenn lejn kwistjonijiet ambjentali għandhom ikunu inklużi fil-grupp ta’ livell għoli ġdid CARS21. |
1.10.16 |
Hekk kif l-UE tirfina l-approċċ tagħha għall-istrateġija industrijali, l-industrija tal-karozzi għandha tkun wieħed mill-ewwel setturi indirizzati. Jeħtieġ li l-UE tistabbilixxi struttura b’saħħitha ta’ governanza b’missjoni urġenti biex tingħata spinta ’l quddiem lill-bidliet regolatorji u l-miżuri ta’ inċentiv u biex jiġu mobilizzati l-investiment meħtieġ u l-ħolqien tas-suq. |
1.10.17 |
L-UE ma tistax tibqa’ lura. Il-Kummissarji involuti jridu jaġixxu flimkien filwaqt li l-pajjiżi, il-kumpaniji u l-faċilitajiet tar-riċerka bir-riżorsi meħtieġa jridu jieħdu azzjoni b’mod urġenti. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa sejħa għall-azzjoni. |
2. Introduzzjoni
2.1 L-istrateġija tal-Kummissjoni għandha l-għan li tipprovdi qafas ta’ politika adegwat u newtrali mil-lat tat-teknoloġija. Fuq medda qasira ta’ żmien din hija msejsa fuq żewġ binarji, u tinvolvi kemm il-magni ta’ kombustjoni interna (ICVs) kif ukoll vetturi tal-elettriku tal-batterija (EVs).
2.2 L-istrateġija tal-ICV hija fiha nnifisha wkoll imsejsa fuq żewġ binarji. Din teħtieġ aktar titjib tal-magni konvenzjonali bil-petrol u d-diesel, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ karburanti alternattivi li jinkludu kemm il-bijokarburanti likwidi kif ukoll karburanti f’forma ta’ gass. Il-karburanti f’forma ta’ gass jeħtieġu ICVs modifikati, b’sistema apposta ta’ ħażna tal-karburant fuq il-vettura u netwerk adegwat ta’ riforniment; il-bijokarburanti ma jeħtiġux dan.
2.3 L-istrateġija tal-EV tinkludi vetturi tal-elettriku tal-batterija (EV) bħalma hija n-Nissan Leaf, vetturi ibridi tal-elettriku (HEV), bħalma hi t-Toyota Prius, u vetturi ibridi ta’ pplaggjar (PHEV) bħalma hi x-Chevrolet Volt. L-HEV mhijiex vettura tal-elettriku veru u proprja għaliex din ma tistax tiġi mqabbda ma’ sors tal-elettriku.
2.4 Jekk ir-riċerka u l-iżvilupp fit-teknoloġija tal-idroġenu fl-aħħar mill-aħħar tkun ta’ suċċes, il-vettura tal-elettriku finali ser titħaddem minn ċelluli tal-idroġenu – il-FCV (Fuel Cell Vehicle).
3. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-vetturi ekoloġiċi tal-Kummissjoni (Il-Pjan ta’ Azzjoni)
3.1 Il-qafas regolatorju
— |
Approvazzjoni skont it-tip għall-vetturi b’żewġ roti u bi tlieta u għall-kwadriċikli. |
— |
L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi sal-2011. |
— |
Il-kummerċjalizzazzjoni tal-“bonus ekoloġiku” tal-vetturi. |
— |
Regolazzjoni tal-konsum tal-karburant ta’ sistemi mobbli ta’ arja kondizzjonata. |
— |
Miżuri addizzjonali fuq emissjonijiet tas-CO2 u t-tniġġis. |
— |
Reviżjoni taċ-ċiklu tat-test sabiex jitkejlu l-emissjonijiet. |
— |
Inventarju tal-miżuri li joffru benefiċċji ambjentali. |
— |
Direttiva emendata dwar l-emissjonijiet tal-ħoss. |
— |
Kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti. |
— |
Strateġija għal vetturi ta’ strapazz b’enerġija nadifa u effiċjenti. |
3.2 Ir-riċerka u l-innovazzjoni
— |
Titjib tal-magni konvenzjonali, lokomottivi tal-elettriku, teknoloġiji tal-batteriji u teknoloġiji tal-idroġenu. |
— |
Regoli semplifikati għal għotjiet għar-riċerka. |
— |
Strateġija ta’ riċerka fit-tul. |
— |
Appoġġ mill-BEI. |
3.3 Id-dħul fis-suq
— |
Linji gwida dwar inċentivi finanzjarji. |
— |
Reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija. |
— |
Gwida lill-Istati Membri dwar it-tassazzjoni fuq il-vetturi. |
— |
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-vetturi ta’ enerġija nadifa u effiċjenti. |
— |
Riċerka dwar dak li l-konsumatur jistenna u kif jiddeċiedi meta jixtri. |
— |
Direttiva emendata dwar it-tikkettar tal-karozzi. |
— |
Proġett ta’ wiri tal-elettromobilità. |
3.4 Kwistjonijiet globali
— |
Kooperazzjoni internazzjonali, b’mod speċjali l-istandardizzazzjoni. |
— |
Regolamentazzjoni armonizzata tal-UNECE. |
— |
Inizjattiva dwar il-materja prima fir-rigward ta’ elementi terrestri rari u metalli nobbli. |
3.5 L-impjieg
— |
Il-Kunsill Ewropew għall-Ħiliet Settorjali. |
— |
Il-Fond Soċjali Ewropew. |
3.6 Ir-reviżjoni intermedjarja tal-leġislazzjoni dwar l-emissjonijiet
— |
L-istandards tal-emissjonijiet għall-karozzi ġodda tal-passiġġieri fil-prospettiva tal-2020 u l-2030. |
— |
It-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-vetturi kummerċjali żgħar fil-prospettiva tal-2013 u l-2020. |
4. L-azzjonijiet speċifiċi għall-vetturi tal-elettriku
4.1 Is-sigurtà
— |
Rekwiżiti tas-sigurtà elettrika. |
— |
Rekwiżiti tas-sigurtà f’każ ta’ kolliżjoni. |
4.2 L-istandardizzazzjoni ta’ interface ta’ ċċarġjar
— |
L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istandard. |
— |
Interazzjoni mal-iżvilupp tal-istandards globali. |
4.3 L-Infrastruttura
— |
Infrastruttura ta’ riforniment. |
— |
Investiment fl-infrastruttura u s-servizzi. |
4.4 Ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-elettriku
— |
L-approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja. |
— |
Sorsi ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju. |
— |
Il-ġestjoni tat-togħbija. |
4.5 Batteriji
— |
Vetturi fi tmiem ħajjithom/riċiklar ta’ batteriji. |
— |
Riċerka dwar il-batteriji. |
— |
It-trasport tal-batteriji. |
4.6 Governanza
— |
Tnedija mill-ġdid tal-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 sabiex jindirizza l-ostakli għad-dħul fis-suq tat-teknoloġiji alternattivi. |
— |
Il-Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima (ECCP) – għandha tiġi implimentata strateġija dwar it-tnaqqis tas-CO2. |
— |
White Paper dwar il-politika Ewropea tat-trasport. |
— |
Is-Suq Intern – tiġi evitata l-frammentazzjoni u tiġi żgurata l-massa kritika. |
5. Il-Fehma tal-KESE dwar il-Pjan ta’ Azzjoni
5.1 It-titjib tal-ICVs konvenzjonali
5.1.1 Il-KESE jappoġġja t-titjib tal-ICVs u, b’mod partikolari, il-miżuri relatati mal-emissjonijiet tas-CO2 u t-tniġġis, ir-reviżjoni taċ-ċiklu tat-test sabiex jitkejlu l-emissjonijiet, it-titjib fir-riċerka u l-iżvilupp tal-magni konvenzjonali, l-inklużjoni ta’ vannijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolamenti u r-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-leġislazzjoni dwar l-emissjonijiet.
5.1.2 Materjali avvanzati joffru ambitu ta’ applikazzjoni wiesa’ għall-innovazzjoni fit-tfassil u l-produzzjoni ta’ karozzi żgħar. Issa qed jemerġu proċessi ġodda ta’ produzzjoni rivoluzzjonarji bbażati fuq l-użu ta’ dawn il-materjali. Fl-industrija tal-karozzi qed tiġi stimulata formazzjoni ġdida tal-kumpaniji. Dan qed joffri sfida lill-atturi stabbiliti. Innovazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu sostnuti minn appoġġ ta’ riċerka u żvilupp u parteċipanti ġodda għandhom jiġu assistiti mill-applikazzjoni rigoruża tal-liġi tal-kompetizzjoni għall-industrija tal-karozzi.
5.1.3 Il-KESE huwa sodisfatt li l-Pjan ta’ Azzjoni jiffoka fuq il-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ta’ strapazz. Kwalunkwe pjan għandu jindirizza din il-parti tas-suq, ibda mill-karozzi tal-linja, vetturi ta’ merkanzija tqila u vetturi bi skop speċjali bħalma huma dawk għall-ġbir tal-iskart. Miri simili għal dawk li hemm fis-seħħ għal fabbrikanti tal-karozzi għandhom japplikaw ukoll għal vetturi ta’ strapazz u, bħal fil-każ tal-karozzi, dawn għandhom jiġu estiżi għall-utenti.
5.1.4 B’ammont daqshekk kbir ta’ fabbrikanti ta’ vetturi ta’ strapazz fl-Ewropa, hemm skop għal kooperazzjoni kostruttiva bejn l-utenti u l-produtturi biex jiġu żviluppati vetturi ġodda u innovattivi. Diġà hemm eżempji fl-Asja, l-Amerka u l-Ewropa ta’ proġetti pijunieri bħalma huma karozzi tal-linja b’emissjoni baxxa ta’ karbonju (LCEB) li jużaw 30 % inqas karburant u jipproduċu 35 % inqas CO2. Vetturi ibridi idrawliċi (HHVs), li s-sors tal-enerġija tagħhom ġej mill-ibbrejkjar, jistgħu jkunu 30 % aktar effiċjenti u jaħdmu tajjeb ħafna f’applikazzjonijiet “stop-start” bħall-ġbir tal-iskart. Hemm ħafna proġetti elettriċi ibridi. Għadd ta’ Stati Membri qed jużaw kapital tal-bidu sabiex jappoġġjaw dan it-tip ta’ innovazzjoni, ħafna drabi sussidjat minn vetturi sperimentali. Programmi ta’ dan it-tip għandhom ikunu appoġġjati konsistentement sakemm vetturi kompetittivi jibdew jiġu prodotti u sakemm jibdew jintalbu ordnijiet ta’ esportazzjonijiet ta’ vetturi prodotti fl-Ewropa.
5.2 Karburanti alternattivi ICV
5.2.1 Ġie rrappurtat li l-programm tal-bijofjuwils tal-Kummissjoni huwa konfuż. Il-qagħda preżenti ġiet karatterizzata bħala gwerra fejn l-esperti tal-agrikoltura tal-Kummissjoni Ewropea tqiegħdu kontra l-esperti tagħha dwar il-klima, u l-lobbies Ewropej tas-setturi tal-karozzi u l-bidja kontra l-ambjentalisti. Id-dibattitu jinvolvi l-kunċett relattivament ġdid ta’ “bdil indirett fl-użu tal-art”. Dan jiffoka fuq l-impatti potenzjali fuq l-ambjent globali li jistgħu jiġu kkawżati mill-bdil fl-użu tal-art meħtieġ biex jiġu pprovduti l-uċuħ tar-raba’ biex jiġu ssodisfati l-miri tal-bijokarburanti tal-UE. Peress li l-bijokarburanti huma mistennija li jissodisfaw 7 % tal-ħtiġijiet tal-fjuwil tal-UE sal-2020, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkonferma jew timmodifika l-politika tagħha. Il-politika tista’ tkun vijabbli bis-sħiħ biss meta t-teknoloġija fl-aħħar tipproduċi t-tieni ġenerazzjoni ta’ bijokarburanti.
5.2.2 Il-Komunikazzjoni tenfasizza r-restrizzjonijiet li japplikaw għall-karburanti alternattivi f’forma ta’ gass bħalma huma l-LPG, is-CNG u l-Bijogass. Il-magni tal-vetturi u t-tankijiet tal-fjuwil iridu jiġu mmodifikati u jinħtieġu faċilitajiet ta’ riforniment aċċessibbli. Madankollu, dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfati meta flotot ta’ vetturi joperaw fil-viċinanza ta’ depot. Xi kumpaniji privati u bosta awtoritajiet pubbliċi u impriżi ta’ servizz pubbliċi jistgħu jissodisfaw dawn il-kondizzjonijiet. L-Istati Membri, apparti jirrikjedu lill-awtoritajiet u l-kumpaniji pubbliċi biex jintroduċu programmi ta’ vetturi b’enerġija nadifa u effiċjenti, għandhom iħeġġu lill-fabbrikanti u lill-utenti potenzjali biex jinnovaw dan il-qasam sabiex jilħqu l-miri tagħhom.
5.3 EV, HEV, PHEV
5.3.1 L-opinjoni tas-Sur Osborn kienet viżjonarja. Din iddefinixxiet il-prekondizzjonijet għal bidla sostanzjali minn ICVs għal EVs fis-suq għall-karozzi privati. Ir-realtà hi li din il-bidla mhux se sseħħ f’qasir żmien, u għalhekk jeħtieġ li l-kampanja favur karozzi ekoloġiċi jkollha bażi aktar wiesgħa.
5.3.2 Kif urew Bain & Company, l-EVs huma l-iPhones tal-industrija tal-karozzi. Qabel ma ġie vvintat l-iPhone, l-utenti tal-mowbajl kienu jinkwetaw dwar il-ħajja tal-batterija. Peress li l-applikazzjonijiet tal-iPhone huma rivoluzzjonarji, l-utenti aċċettaw li l-mowbajls tagħhom iridu jiġu ċċarġjati kuljum. L-esperjenza tal-EV tant hija differenti milli meta ssuq ICV li dawk li adottaw EV minn kmieni mhumiex mistennija jinkwetaw dwar l-awtonomija limitata tal-EVs u l-PHEVs li deħlin fis-suq fl-2011 u l-2012.
5.3.3 Utenti bikrija ser jixtru EVs bħala t-tieni karozza. Dawn ser jintużaw bħala trasport bit-triq lejn ix-xogħol u lura, biex jitħallew ipparkjati fl-istazzjonijiet tal-ferrovija, u għall-mobilità fil-viċinat. Il-batterija għandha sservi għal ġurnata sewqan. Il-batterija EV tista’ tiġi ċċarġjata matul il-lejl mill-provvista domestika tal-elettriku fil-garaxx tas-sid.
5.3.4 Jekk il-batterija tista’ tiġi ċċarġjata fil-post tax-xogħol dan jestendi kemm isservi l-batterija f’ġurnata. Ma tinħtieġ l-ebda infrastruttura kumplessa għall-iċċarġjar. Lanqas hemm bżonn ta’ standardizzazzjoni internazzjonali bil-limitazzjonijiet preżenti ta’ kemm isservi l-batterija. Il-piż fuq in-netwerks tal-elettriku għandu jiġi minimizzat permezz ta’ ċarġjar matul il-lejl li jagħmel użu minn elettriku li kieku ma kienx se jintuża matul il-lejl.
5.3.5 Bosta Stati Membri, inklużi r-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja, ser joffru inċentivi ġenerużi lix-xerrejja ta’ karozzi elettriċi. Għalkemm l-EVs, anki wara s-sussidju, ser iqumu aktar mill-ICVs, l-attrazzjoni tat-teknoloġija u l-impenn min-naħa tas-sid li jibdel l-istil ta’ ħajja tiegħu għandhom ikunu biżżejjed biex ikun garantit l-assorbiment tal-volumi inizjali tal-produzzjoni. Il-proprjetarju ser igawdi wkoll minn vantaġġi oħra, bħalma huma l-ipparkjar b’xejn, eżenzjoni mit-taxxa ta’ konġestjoni u inċentivi oħra offruti mill-ambjent urban.
5.3.6 Filwaqt li l-KESE japprova l-proposta biex l-Istati Membri jiġu pprovduti linji gwida għall-inċentivi finanzjarji, huwa jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu inċentiv lill-adozzjoni bikrija sabiex id-distribuzzjoni tal-EVs fl-UE ma tibqax lura wara reġjuni oħra fejn hemm disponibbli wkoll inċentivi simili.
5.3.7 L-iktar komponent importanti f’termini ta’ nefqa ta’ karozza EV huwa l-batterija. Għal min juża l-karozza, il-kwistjonijiet ewlenin huma d-daqs, il-piż, il-kapaċità, is-sigurtà, l-effiċjenza, it-tul tal-ħajja u li wieħed ikun jista’ jiddependi fuqhom.
5.3.8 Il-problema strateġika għall-UE hi li din m’għandha l-ebda fabbrikant kbir ta’ batteriji, għalkemm il-kumpanija Nissan qed tippjana impjanti fir-Renju Unit u l-Portugall. It-teknoloġija tal-batteriji ser issir estremament sofistikata u l-importanza tagħha ser tiżdied peress li ser tkun il-fattur ewlieni li jaffettwa l-prestazzjoni u l-kompetittività tal-vettura. L-Ewropa għandha tkun rappreżentata f’din l-industrija. Il-KESE jirrakkomanda li l-fabbrikanti kbar tal-karozzi jaħdmu flimkien sabiex jibdew u javvanzaw il-produzzjoni tal-batteriji fl-Ewropa. Il-Grupp CARS 21 il-ġdid għandu jikkunsidra dan.
5.3.9 Hemm bosta aspetti tan-negozju tal-batteriji li jeħtieġ li jiġu indirizzati: il-garanziji, is-sostituzzjoni, l-iskambju u l-kiri kif ukoll il-proċeduri ta’ tmiem il-ħajja, x’jista’ jiġi salvat minnhom wara li jispiċċaw, ir-rimi tal-iskart, u l-użu mill-ġdid. Jeħtieġ li l-kumpaniji tal-UE jkunu f’dan in-negozju.
5.3.10 Fuq medda twila ta’ żmien, is-sewwieqa tal-EV ser ikunu jeħtieġu aċċess għan-netwerks ta’ ċċarġjar. L-iskemi fuq firxa ta’ belt sħiħa li qed jibdew pereżempju f’Londra u Pariġi, u l-iskemi fuq firxa ta’ pajjiż sħiħ li qed jiġu żviluppati fid-Danimarka u l-Iżrael għandhom jipprovdu għarfien prezzjuż lill-pjani spjegati fil-punti 4.2 u 4.3 hawn fuq. Minħabba l-impenn taċ-Ċina biex tippromovi l-użu ta’ vetturi elettriċi f’ħamest ibliet, huwa assolutament indispensabbli li l-UE tieħu azzjoni immedjata, b’mod speċjali fir-rigward tal-istandards.
5.3.11 Il-kwistjoni tal-provvista tal-materja prima hija msemmija fil-Pjan ta’ Azzjoni. Il-Ġappun u l-Korea t’Isfel qed jinnegozjaw konċessjonijiet u intrapriżi bi sħab fl-Amerka t’Isfel. Il-Korea t’Isfel għandha investiment ta’ $12 biljun marbut mal-għajnuna fil-Bolivja. M’hemm l-ebda evidenza li l-UE qed tagħmel l-istess. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu mal-kumpaniji tal-minjieri fl-UE sabiex jiżguraw provvisti futuri.
5.4 FCV
5.4.1 L-UE qed tiffinanzja riċerka fl-ekonomija futura tal-idroġenu u l-iżvilupp tal-FCVs. F’opinjonijiet preċedenti l-KESE kien approva l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar l-idroġenu. Madankollu, skont xi osservaturi, il-kunċett tal-ekonomija tal-idroġenu mhux ser jaħdem. Dawn jindikaw li mhemmx sors prattiku ta’ idroġenu, mhemmx mod tajjeb kif jinħażen l-idroġenu, u mhemmx mod tajjeb kif jitqassam l-idroġenu. Bosta mill-problemi bl-idroġenu ġejjin mill-proprjetajiet fiżiċi u kimiċi tiegħu. Huwa possibbli li t-teknoloġija ma tistax issolvi dawn il-problemi. B’hekk l-istrateġija tal-UE għandha tinkludi għażliet oħra fil-każ li fuq medda twila ta’ żmien l-FCVs jirriżultaw li mhumiex vijabbli. Għadu kmieni wisq biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar it-teknoloġija. F’dan l-istadju rridu nħallu l-iżvilupp iseħħ.
5.5 Is-Settur pubbliku, is-settur privat u l-impenn individwali
5.5.1 Il-fabbrikanti tal-karozzi għandhom miri tal-ekonomija u l-emissjonijiet tal-karburant li japplikaw b’mod ġenerali għall-firxa tal-vetturi li jipproduċu. Il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet pubbliċi, l-impriżi tas-servizz pubbliku u kumpaniji privati kbar għandhom joperaw ukoll skont linji gwida u miri għall-konsum tal-karburant u l-emissjonijiet. Dan huwa mod kif jingħata inċentiv għall-użu ta’ karburanti alternattivi f’forma ta’ gass , iżda l-opportunità hija ħafna ikbar minn hekk.
5.5.2 Il-KESE japprezza li d-Direttiva 2009/33/KE dwar il-promozzjoni ta’ vetturi tat-triq ta’ enerġija nadifa u effiċjenti ser tidħol fis-seħħ lejn l-aħħar tal-2010. Madankollu, il-KESE kien japprezza kieku ġiet stabbilita gwida għall-kriterji varji biex jiġu użati għall-akkwist, kif ukoll proċess li bih dawn il-kriterji jsiru aktar impenjattivi maż-żmien. Dawn il-kriterji għandhom jiġu inkorporati kemm jista’ jkun malajr, u l-KESE jixtieq jarahom fis-seħħ qabel ma sseħħ ir-reviżjoni ppjanata għal sentejn oħra.
5.5.3 Fuq l-eżempju tas-settur pubbliku, il-KESE jixtieq ukoll li r-rappurtaġġ tal-kumpaniji dwar l-użu tal-idrokarburi u l-emissjonijiet tas-CO2 jiġi mmodifikat biex jidentifika l-kontenut tat-trasport sabiex ikun jista’ jitkejjel it-titjib progressiv.
5.6 Kompetittività internazzjonali
5.6.1 Il-qagħda internazzjonali hija diffiċli. L-Amerka, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel kollha għandhom intenzjoni governattiva waħdanija li tiġi sfruttata l-opportunità tat-trasport nadif u effiċjenti. L-UE għandha 27 gvern differenti, kull wieħed għandu kapaċitajiet industrijali u finanzjarji differenti ħafna u livelli differenti ħafna ta’ affluwenza fis-soċjetajiet tagħhom. Peress li t-trasport ekoloġiku huwa radikalment differenti minn dak li kien hemm qabel, dan il-fatt ixejjen il-vantaġġ industrijali u jippermetti li ċ-Ċina tgħaddi lill-Ġappun, b’mod speċjali minħabba li l-industrija taċ-Ċina hija mħarsa minn tariffi ta’ importazzjoni. L-UE ma tistax tibqa’ lura. Il-Kummissarji involuti jridu jieħdu azzjoni flimkien filwaqt li l-pajjiżi, il-kumpaniji u l-faċilitajiet tar-riċerka bir-riżorsi meħtieġa jridu jieħdu azzjoni b’mod urġenti. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa sejħa għall-azzjoni.
5.6.2 Il-paragrafu 3.4, Kwistjonijiet globali, huwa ta’ importanza vitali, iżda ma jinkludix komponent li jirrigwarda d-WTO. F’dawn iċ-ċirkostanzi rivoluzzjonarji ġodda , in-negozju tal-UE jeħtieġ aċċess għas-suq mingħajr ostakli protezzjonistiċi.
5.7 Governanza
5.7.1 Il-Kummissjoni ser tistabbilixxi mill-ġdid il-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21. Ir-rapport imħejji mill-Grupp oriġinali ġie approvat mill-industrija tal-karozzi iżda kien ġie kkritikat mill-gruppi ambjentali li ħassew li dan ma rnexxilux jippreżenta strateġija dwar enerġija nadifa u effiċjenti għal karozzi ġodda. Fil-Grupp ta’ Livell Għoli l-ġdid, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili b’impenn lejn kwistjonijiet ambjentali għandhom jiġu introdotti bħala kontrapiż għall-interessi tal-industrija.
5.7.2 Iċ-Ċina, il-Korea u l-Istati Uniti mixjin ’il quddiem bl-innovazzjoni, l-iżvilupp u l-investiment f’dan il-qasam. L-Ewropa qiegħda fil-periklu li taqa’ lura, u li ssir vittma tal-konservatiżmu u l-atteġġament ta’ timidezza - li ma jħalluhiex tqis fit-tul - fost l-atturi industrijali stabbiliti, kif ukoll tan-nuqqas ta’ viżjoni politika u tmexxija min-naħa tal-Gvern. Jekk l-industrija Ewropea trid tevita dan id-destin, jeħtieġ li l-Unjoni tistabbilixxi struttura ta’ governanza b’saħħitha li tintegra mexxejja progressivi tan-negozju, tal-politika u tas-soċjetà ċivili li għandhom objettiv u missjoni urġenti li jmexxu ’l quddiem il-bidliet regolatorji meħtieġa u l-miżuri ta’ inċentiv u li jimmobilizzaw l-investiment u l-ħolqien tas-suq li tant huma meħtieġa.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/43 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Green Paper – L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi”
(COM(2010) 183 finali)
2011/C 51/09
Relatur: is-Sur CAPPELLINI
Korelatur: is-Sur LENNARDT
Nhar is-27 ta’ April 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Green Paper - L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi
(COM(2010) 183 finali)
Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Settembru 2010.
Minħabba t-tiġdid tal-mandat tal-Kumitat, l-Assemblea Plenarja ddeċidiet li tieħu pożizzjoni fuq din l-opinjoni waqt is-sessjoni plenarja ta’ Ottubru, u ħatret lis-Sur Van Iersel Joost bħala relatur ġenerali b’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura.
Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’71 vot favur, u astensjoni waħda (1).
1. Rakkomandazzjonijiet u proposti
Il-Kumitat ifformula għadd ta’ proposti konkreti b’appoġġ għall-industriji kulturali u kreattivi Ewropej fuq il-bażi tal-mistoqsijiet imressqa mill-Kummissjoni fil-Green Paper (COM(2010) 183 finali, tas-27 ta’ April 2010), u fuq ir-rakkomandazzjonijiet li diġà ġew proposti mill-“Platform on the Potential of Cultural and Creative Industries” u d-djalogu intern, inklużi d-diskussjonijiet waqt is-seduti “ad hoc”.
1.1 Rakkomandazzjonijiet:
Il-KESE:
a) |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli l-isforzi tagħha għal definizjoni aħjar tas-settur u biex din tkun riflessa aħjar fl-istatistika, b’kunsiderazzjoni speċjali tas-sitwazzjoni soċjali u ekonomika ta’ dawk li jaħdmu fis-settur tal-arti. Fil-fatt ma teżisti l-ebda definizzjoni unika li sar qbil dwarha tal-kunċett tal-“industrija kulturali u kreattiva”, li hija rekwiżit fundamentali għal:
|
b) |
Jirrakkomanda lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex jinħoloq “spazju Ewropew tal-kreattività”, billi jiġi promoss qafas regolatorju Ewropew ibbażat fuq aċċess ġust għas-suq, kompetizzjoni ħielsa, miżuri kontra l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti, appoġġ u żvilupp tal-SMEs u tal-industriji tal-artiġġjanat, il-promozzjoni tad-diversità kulturali, il-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ġlieda kontra l-piraterija, b’attenzjoni partikolari fuq il-potenzjal diġitali tas-settur. |
c) |
Jitlob li jiġu adottati konċessjonijiet fiskali u mudelli ġodda u strumenti sabiex jitħeġġeġ il-finanzjament tat-tfassil tal-proġett fis-settur, kif ukoll it-twaqqif tas-“sħubijiet pubbliċi-privati taċ-ċittadini” (PPPP – Participatory Public-Private Partnerships); fi kliem ieħor, f’dan il-qasam il-mudelli tradizzjonali ta’ PPP għandhom jiġu akkumpanjati minn forom ta’ parteċipazzjoni diretta taċ-ċittadini (1). |
d) |
Jenfasizza l-kontribut tal-industriji kulturali u kreattivi għall-objettivi strateġiċi tal-koeżjoni Ewropea, u jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali (il-muniċipalitajiet, ir-reġjuni, eċċ.), b’kollaborazzjoni ma’ korpi lokali u reġjonali oħra (universitajiet, banek, assoċjazzjonijiet, fornituri tal-kontenut pubbliċi u/jew privati, eċċ.) jippromovu l-industriji kulturali u kreattivi u l-integrazzjoni tagħhom fl-iżvilupp reġjonali. |
e) |
Juri l-ħtieġa ta’ miżuri adegwati biex tittaffa l-vulnerabbiltà tal-impriżi tas-settur, b’mod partikolari l-SMEs, u l-prekarjetà tal-attivitajiet artistiċi, filwaqt li jwissi dwar il-ħtieġa urġenti li tiġi ffaċilitata “massa kritika” ta’ investiment fis-settur li tisfrutta l-hekk imsejħa “ekonomiji ta’ agglomerazzjoni” sabiex tkun ristretta l-penetrazzjoni fis-suq Ewropew minn prodotti kulturali li jinkulkaw tendenzi ta’ imġiba li jmorru kontra l-kultura Ewropea jew li jistgħu jwasslu għal kolonizzazzjoni kulturali sħiħa. |
f) |
Jenfasizza li għandu jiġi meqjus bħala prijorità r-rwol tal-ICT (eż. ta’ inizjattivi tal-UE relatati mal-Internet tal-Futur) fil-provvediment ta’ opportunitajiet ġodda (broadband jew servizzi li jappoġġjaw il-kreattività, b’mod partikolari fiż-żoni żvantaġġati jew fejn id-dħul huwa baxx), kemm mil-lat tal-produzzjoni ta’ prodotti u servizzi kreattivi kif ukoll fid-distribuzzjoni u l-użu tagħhom mill-utenti aħħarin. |
g) |
Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss għarfien akbar tal-industrija kreattiva fis-sillabi tal-iskejjel u fit-taħriġ professjonali, kif hemm indikat, fil-livell Ewropew, fil-Karta Internazzjonali tal-Artiġġjanat Artistiku. |
h) |
Jafferma l-bżonn li jiġi studjat liema strumenti huma l-aktar adatti biex itejbu l-aċċess tal-intrapriżi kreattivi u tal-professjonisti fis-settur għall-kreditu, b’mod li minn naħa tingħata attenzjoni akbar lill-aspetti tas-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja mill-intrapriżi u, min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-kapaċità li l-istituzzjonijiet tal-kreditu jivvalutaw il-potenzjal ekonomiku u finanzjarju tal-proġetti kulturali u kreattivi. |
i) |
Jenfasizza, fl-aħħar nett, il-bżonn li fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE jitnieda dibattitu dwar l-impatt soċjali tal-iżvilupp ta’ clusters tal-kreattività u dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk li jaħdmu fis-settur. |
1.2 Proposti:
Fid-dawl ta’ dan, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Kummissjoni, fit-totalità tagħha (u mhux biss l-unitajiet speċjalizzati tagħha), għal sensiela ta’ proposti li jappoġġjaw lill-industriji kulturali u kreattivi:
a) |
Jitnieda “djalogu strutturat” mal-partijiet interessati kollha u, b’kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet Komunitarji kollha, titnieda kampanja ta’ inizjattivi, ta’ diskussjoni u sensibilizzazzjoni dwar ir-rwol tal-industriji kulturali u kreattivi fit-“territorju Ewropew”, b’attenzjoni partikolari għaż-żoni żvantaġġati u r-reġjuni li jaqgħu taħt il-politika ta’ koeżjoni. Il-KESE ħerqan li jħeġġeġ dan id-djalogu strutturat u li jaħdem mal-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra, billi joffri l-għarfien tekniku tiegħu u n-netwerk tiegħu ta’ kuntatti għal dan il-għan. |
b) |
Fuq il-bażi ta’ proġetti pilota mnedija f’ċerti żoni tal-Unjoni, jinħolqu postijiet fiżiċi għal laqgħat u sperimentazzjoni ta’ natura informali (fuq il-mudell tal-workshops tax-xjenza, il-Future Centres, il-Multimedia Parks, eċċ.) li jistgħu jippromovu l-parteċipazzjoni diretta ta’ gruppi fil-mira magħmula minn ċittadini/utenti/assoċjazzjonijiet u mis-soċjetà ċivili organizzata. L-għan hu li titħaddan il-parteċipazzjoni tat-territorju kollu tal-UE fl-iżvilupp tal-potenzjal tal-industrija kreattiva, mhux biss fiċ-ċentri urbani li ta’ spiss huma meqjusa bħala l-uniċi responsabbli mill-promozzjoni tal-proċess ta’ żvilupp kreattiv. F’dan l-ambitu l-komunitajiet lokali u reġjonali, l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u tal-artiġġjanat ikun jista’ jkollhom rwol fundamentali biex l-industriji kulturali u kreattivi jiġu integrati fl-iżvilupp reġjonali (bl-applikazzjoni tal-prinċipju “Think small first” previst fis-Small Business Act Ewropew). |
c) |
Jiġi promoss “is-suq intern” tal-kreattività, fejn jiġu promossi:
|
d) |
Jiġi intensifikat id-djalogu tal-istituti ta’ livell universitarju mal-SMEs u l-impriżi artiġġjanali mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi rispettivi tagħhom; it-titjib tal-kompetenzi tal-informatika u t-teknoloġija tal-istudenti; u t-tnedija ta’ inizjattivi sabiex jinħolqu impriżi ġodda fis-settur, anki permezz ta’ forom ta’ peer-coaching. |
e) |
Jiġi appoġġjat il-finanzjament tal-kreattività permezz ta’, minn naħa, it-tfassil fil-livell Ewropew ta’ linji gwida ta’ business plan għall-proġetti/servizzi/xogħlijiet kreattivi u kulturali, kif ukoll indikaturi speċifiċi ta’ prestazzjoni li jistgħu jiffaċilitaw l-evalwazzjoni teknika u ekonomika tal-investiment fis-settur, u minn naħa oħra, permezz ta’ faċilitajiet ta’ kreditu, fondi ta’ garanzija konġunti pubbliċi-privati għall-SMEs u fondi rotattivi, u forom ġodda ta’ assoċjazzjoni u sħubija bejn il-partijiet interessati varji tat-taqsimiet konċernati (ICT, pubblikazzjoni tal-kotba, produzzjoni tal-films, mużika, eċċ.). |
2. X’inhuma l-industriji kulturali u kreattivi?
2.1 Hekk kif inhu rikonoxxut mill-Istrateġija UE 2020, l-industriji kulturali u kreattivi għandhom rwol ċentrali fit-tkabbir, il-kompetittività u l-futur tal-UE u taċ-ċittadini tagħha. Min-natura tagħhom dawn joħolqu innovazzjoni u impjiegi, u jaġixxu bħala konnessjonijiet bejn diversi fergħat tal-industrija. Barra minn hekk dawn huma ġeneraturi ta’ vantaġġ komparattiv li ma jistax jiġi riprodott xi mkien ieħor, fatturi għall-iżvilupp lokali u muturi tat-tibdil industrijali.
2.2 Il-KESE jenfasizza wkoll ir-rwol li l-industriji kulturali u kreattivi għandhom fi ħdan is-“soċjetà Ewropea” kemm fil-promozzjoni tal-pluraliżmu u d-diversità kulturali, kif ukoll bħala strument għall-promozzjoni tal-“identità Ewropea” Huma jikkontribwixxu wkoll għal kwalità aħjar tal-ħajja, għat-tolleranza u għall-prevenzjoni ta’ mġiba li tmur kontra d-dinjità tal-persuni, għall-integrazzjoni u għall-akkoljenza.
2.3 L-għan ambizzjuż ta’ din l-opinjoni huwa li jkun żvelat il-potenzjal sħiħ tal-industriji kulturali u kreattivi, element fundamentali tal-istrateġija l-ġdida tal-Ewropa għall-2020, kif enfasizzat ukoll mill-Kunsill Ewropew, u minn atturi ewlenin fl-ambitu tat-tibdil tal-industrija Ewropea. Dan jirrikjedi, l-ewwel nett, għarfien adegwat tas-suġġetti li qed jiġu kkunsidrati, u ssir distinzjoni bejn it-tfassil, l-analiżi tal-proċessi ta’ produzzjoni u konsum, u l-governanza.
2.4 Għalkemm ġeneralment issir referenza għall-industriji kulturali u kreattivi, għandha xorta tibqa’ ssir distinzjoni bejn “kultura” u “kreattività”. Filwaqt li l-kultura hija mifhuma, b’mod ġenerali, bħala t-totalità tal-għarfien, l-użanzi u l-livelli ta’ żvilupp artistiku u xjentifiku fi żmien partikolari jew fi ħdan grupp soċjali partikolari (2), it-terminu kreattività huwa speċifikament interpretat bħala l-kapaċità li wieħed jaħseb b’mod innovattiv, jew li wieħed jipproduċi ideat ġodda li jiġbru flimkien elementi eżistenti b’mod ġdid (kemm jekk huma proċessi, oġġetti, għarfien, eċċ.). Min-naħa tiegħu dan m’għandux jitħallat mat-terminu “innovazzjoni” li jirreferi b’mod aktar ġenerali għall-proċessi u prodotti żviluppati minn għarfien, tekniki u strumenti (3).
Din id-distinzjoni hija fundamentali, peress li minn naħa tippermetti s-separazzjoni tal-kunċetti li spiss jiġu konfużi fil-lingwaġġ kurrenti, u minn naħa oħra din tenfasizza biċ-ċar l-interkonnessjonijiet profondi bejn il-kultura, il-kreattività u l-innovazzjoni (ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp reġjonali u lokali, tad-29 ta’ April 2010).
2.5 In-natura multidimensjonali tal-kultura u l-kreattività tagħmilha diffiċli biex jiġi identifikat approċċ uniku ta’ analiżi: f’estrem wieħed hemm dawk li jillimitaw il-kreattività għall-attivitajiet kulturali biss; mill-banda l-oħra hemm dawk li jqisu li l-industriji kollha, fin-natura tagħhom huma kreattivi. Għalhekk fl-identifikazzjoni tal-hekk imsejħa setturi kreattivi hemm ir-riskju li wieħed ikun xi ftit jew wisq arbitrarju, u dan jista’ jkollu riperkussjoni fuq l-effikaċja tal-politiki li huma ta’ sostenn għall-UE 2020.
2.6 Il-problema fid-definizzjoni tal-konfini tas-settur hija marbuta wkoll ma’ problema ta’ “perċezzjoni” kemm “interna” (l-operaturi fi ħdan is-settur li ma jarawx lilhom infushom bħala parti minn industrija waħdanija speċifika) kif ukoll “esterna” (soċjetajiet li ma jagħrfux in-natura speċifikament settorjali ta’ dawk li jaħdmu fl-industriji kulturali u kreattivi).
3. Ħarsa ġenerali lejn l-industriji kulturali u kreattivi fl-Ewropa
3.1 Skont id-definizzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, l-industriji kulturali u kreattivi jikkontribwixxu madwar 2,6 % tal-PDG tal-UE-27 u jipprovdu impjieg għal madwar ħames miljun persuna (sors: Green Paper COM(2010) 183 finali). Sorsi oħra jindikaw impatt akbar. Id-diversità statistika tirrifletti naturalment id-diversità tal-valutazzjonijiet fir-rigward tar-ragruppamenti settorjali koperti mid-definizzjoni tal-industriji kulturali u kreattivi (ara r-rakkomandazzjoni fil-punt 1.1.a).
3.2 Fl-2007, il-bilanċ kummerċjali tal-UE-27 fis-setturi kreattivi prinċipali wera li kien hemm bilanċ favorevoli ta’ EUR 3 000 miljun. Skont l-UNCTAD (Creative economy report, 2008), l-industrija kreattiva hija waħda mis-setturi prinċipali tal-kummerċ dinji f’termini ta’ tkabbir. Fil-perijodu 2000–2005, il-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi marbuta mal-kreattività żdied bi kważi 9 % fil-livell dinji, u b’hekk ikkonferma l-prospettivi tajbin ta’ tkabbir fit-tul.
3.3 Il-ħaddiema professjonali tipiċi fis-settur jinkludu l-artisti, il-ħassieba, il-produtturi, il-pubblikaturi u l-performers iżda hemm profili aktar konvenzjonali kemm mil-lat tekniku kif ukoll minn dak kummerċjali bħall-attivitajiet artiġjanali. Madankollu, ta’ min jinnota n-nuqqas ta’ leġislazzjoni adatta għas-settur, in-nuqqas ta’ rikonoxximent speċifiku tal-kategoriji professjonali fis-settur u ta’ protezzjoni soċjali għalihom (pereżempju li tipprovdi protezzjoni f’każijiet ta’ kuntratti qosra ħafna, aspetti ta’ sigurtà soċjali jew l-iffaċilitar ta’ mobbiltà internazzjonali).
3.4 Madankollu, l-industriji kulturali u kreattivi joffru potenzjal konsiderevoli għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE. Il-kreattività hija meqjusa universalment bħala xprun għat-tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv u l-kultura taqdi rwol fundamentali fl-iżvilupp ta’ soċjetà tal-informazzjoni u bbażata fuq l-għarfien. Barra minn hekk, il-kultura u l-kreattività, apparti li huma strumenti għal offerta iktar kompetittiva u organizzata aħjar, jistimolaw ukoll id-domanda għall-kontenut, jedukaw fir-rigward tad-diversità kulturali u fl-istess ħin jgħinu fil-ġlieda kontra l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni.
3.5 Il-kreattività taqdi wkoll rwol ewlieni fl-ambitu tal-kompetittività internazzjonali, billi tagħti valur immaterjali lill-prodotti u tittrasformahom f’forma partikulari ta’ esperjenza. Bħalissa, aktar u aktar attivitajiet ekonomiċi, barra mill-isfera tal-industriji kreattivi fis-sens dejjaq, qed jiddedikaw sehem dejjem akbar tar-riżorsi għal attivitajiet kreattivi bħala input għall-prodotti tagħhom. Is-settur kreattiv mhuwiex biss fundamentali għall-kompetittività internazzjonali tan-negozju, iżda jiġġenera wkoll effetti pożittivi li jaqgħu wkoll fuq il-bqija tal-ekonomija (4).
3.6 Element ieħor li m’għandux jiġi sottovalutat huwa l-kontribut li sar mill-iżvilupp ta’ dan is-settur għall-“kwalità tal-ħajja” fiż-żona lokali rilevanti: dan jinfluwenza s-sistema ta’ taħriġ, il-mudelli ta’ mġiba għaż-żgħażagħ, u l-interess li qed jikber fil-kultura mxerrda permezz tal-industriji kulturali u kreattivi, li jikkontribwixxu sabiex jiġi attivat id-“dinamiżmu” tal-bliet u r-reġjuni konċernati.
3.7 Fl-aħħar nett ta’ min jenfasizza li l-potenzjal offrut mill-applikazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda fis-settur huwa ta’ interess, kif muri mill-fenomenu tal-mezzi tax-xandir soċjali: mezzi għall-iskambju ta’ testi, stampi, vidjo u awdjo min-naħa tal-utenti. Fl-istess ħin, minn dan is-settur jistgħu joħorġu ideat interessanti, djalogi produttivi u paraguni tajbin (pereżempju Wikinomics), għalkemm qed jesperjenzaw ukoll diffikultajiet ta’ ġestjoni, bħal pereżempju fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-kontenut kondiviż. Fl-aħħar, it-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jiġġieldu kontra l-piraterija diġitali.
3.8 Madankollu s-settur jibqa’ vulnerabbli. Minn naħa, huwa dominat mill-SMEs, u minn naħa oħra hemm tendenza li jiġu stabbiliti oligopoliji li joqtlu l-kompetizzjoni (l-hekk imsejjaħ effett tal-bestseller). Biżżejjed wieħed jaħseb fis-soċjetajiet multimedjatiċi jew ir-reklamar li jagħmlu fuq livell dinji.
3.9 Ir-rwol li jaqdu l-SMEs jibqa’ fundamentali. Huma dawn il-kumpaniji li jassumu r-riskju tal-innovazzjoni mhux teknoloġika, billi jinvestu f’talenti u forom estetiċi ġodda u jippruvaw joffru varjetà ta’ prodotti diversi lill-konsumaturi. Madankollu hemm il-problema ta’ “massa kritika” ta’ investiment li kapaċi tnaqqas il-penetrazzjoni fis-suq Ewropew minn prodotti li jinkulkaw tendenzi ta’ imġiba u valuri aljeni għall-kultura Ewropea. F’dan ir-rigward ikun utli jiġu adottati miżuri speċifiċi ta’ appoġġ u għajnuna għall-promozzjoni ta’ “sistemi lokali ta’ SMEs”, u għall-iżvilupp ta’ “clusters reġjonali” u “ekonomiji ta’ agglomerazzjoni”.
3.10 Il-politiki għall-industrija kulturali u kreattiva fl-Ewropa għadhom eteroġeni. F’xi Stati Membri, is-settur jibbenefika minn investimenti pubbliċi rilevanti; fi Stati l-investiment huwa prinċipalment privat (5). Apparti minn kwalunkwe evalwazzjoni dwar l-effikaċja ta’ dawn il-politiki, il-qagħda frammentata tal-leġislazzjoni nazzjonali u tas-swieq f’dan il-qasam tikkostitwixxi bla ebda dubju tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fis-suq Ewropew. Il-Green Paper innifisha tagħmel ċar l-importanza li jiżdiedu l-isforzi sabiex tinkiseb aktar kompetittività Ewropea fis-settur biex b’hekk tingħata spinta lid-diversità kulturali. Barra minn hekk stimolu adatt għall-benchmarking jibqa’ kruċjali fi ħdan l-industriji kulturali u kreattivi.
3.11 Fil-livell Komunitarju, kemm il-Kummissjoni (Komunikazzjoni tal-10 ta’ Mejju 2007 dwar aġenda Ewropea għall-kultura f’dinja li qed tiġi globalizzata), il-Kunsill (Pjan ta’ ħidma għall-kultura 2008–2010 tal-10 ta’ Ġunju 2008) kif ukoll il-Parlament (Riżoluzzjoni tal-Parlament dwar l-industriji kreattivi fl-Ewropa tal-10 ta’ April 2008) għandhom l-għan li jtejbu kemm jista’ jkun il-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi, b’mod partikolari tal-SMEs. Fost l-attivitajiet previsti, tajjeb li wieħed isemmi l-European Creative Industries Alliance, li ser titnieda fl-2011 fil-kuntest tal-Entrepreneurship and Innovation Program (EIP) tal-“Programm ta’ Kompetittività u Innovazzjoni” (6). Inizjattivi oħra huma relatati mal-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma dwar l-industriji kulturali u kreattivi li jinkludi esperti mill-Istati Membri stess; it-twettiq ta’ studji dwar il-kontribut tal-kultura għall-kreattività, dwar id-dimensjoni intraprenditorjali tal-industrija kulturali u kreattiva, u dwar il-kontribut tal-kultura għall-iżvilupp ekonomiku lokali u reġjonali; u t-tfassil tal-Green Paper dwar l-industriji kulturali u kreattivi.
4. It-temi tad-dibattitu u l-prijoritajiet li ħarġu mill-konsultazzjoni mal-partijiet interessati
4.1 Bil-pubblikazzjoni tal-Green Paper tas-27 ta’ April 2010, il-Kummissjoni nediet id-dibattitu dwar il-potenzjal tat-tkabbir tal-industriji kulturali u kreattivi filwaqt li enfasizzat ir-rwol tad-diversità kulturali, tal-globalizzazzjoni u tad-diġitalizzazzjoni bħala xprun tal-proċess, kif ukoll tal-ħtieġa li l-industriji tas-settur jingħataw l-istrumenti adatti – bħall-possibbiltà li jesperimentaw u jinvestu, b’aċċess imħaffef għall-kreditu – u l-promozzjoni tal-iżvilupp permezz tal-orjentazzjoni mill-ġdid tal-politiki territorjali.
4.2 L-azzjoni tal-Kummissjoni ser tkun ibbażata fuq tliet linji prinċipali ta’ politika: “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, li fiha l-Kummissjoni qed tipprevedi l-ħolqien ta’ suq uniku tal-kontenut u s-servizzi onlajn; azzjonijiet speċifiċi għat-tisħiħ tar-rwol tal-industriji kulturali u kreattivi bħala katalizzaturi tal-innovazzjoni u tat-tibdil strutturali fil-kuntest tal-inizjattiva ewlenija “L-Unjoni tal-innovazzjoni”; strateġija fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, maħsuba biex tippromovi l-bilanċ meħtieġ bejn il-ħarsien u d-diffużjoni ta’ mudelli ġodda ta’ negozju.
4.3 Barra minn hekk, il-Green Paper tpoġġi għadd ta’ mistoqsijiet miftuħin biex tqajjem diskussjoni wiesgħa mal-partijiet Ewropej kollha interessati fil-kreattività (fis-sens wiesa’). Permezz ta’ din l-opinjoni l-KESE beħsiebu jikkontribwixxi għad-dibattitu li tnieda mill-Kummissjoni, billi joffri suġġerimenti u proposti operattivi prattiċi. F’dan ir-rigward, il-punt ewlieni ta’ referenza tal-KESE jibqa’ r-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-Pjattaforma dwar il-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi. Madankollu ħarġu aktar fatturi mid-djalogu soċjali bejn il-partijiet interessati u matul seduti ad hoc organizzati mill-Kumitat.
4.4 L-“ispazji fiżici” tal-kreattività, il-clusters u r-rwol tagħhom fl-iżvilupp territorjali
4.4.1 L-ewwel aspett tad-dibattitu li joħroġ mill-Green Paper jikkonċerna l-kwistjoni tal-“ispazji għall-esperimentazzjoni, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija fis-settur kulturali u kreattiv” u r-rwol tat-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni.Fil-prattika dan ifisser il-ħolqien ta’ spazji għal laqgħat għall-kollaborazzjoni interdixxiplinarji, adatti wkoll biex jiġu ppruvati soluzzjonijiet aktar innovattivi fl-industrija kreattiva fejn, flimkien maċ-ċittadini/l-utenti, jiġu ppruvati lingwaġġi u forom ġodda ta’ espressjoni bħal pereżempju l-esperjenzi diġitali multisensorjali tal-kontenut artistiku (ċentri tan-negozju u/jew futuri tal-prodotti u s-servizzi tal-industrija kreattiva, ir-realtà virtwali u l-parks multimedjatiċi).
4.4.2 Dawn il-postijiet, ikkaratterizzati mit-tfittxija għat-tibdil, jistgħu jkunu wkoll ta’ stimolu li jmur kontra l-marġinalità ta’ xi territorji meta mqabbla ma’ ċentri kbar urbani ta’ żvilupp kreattiv. (Il-clusters prinċipali tal-kreattività Ewropea ġeneralment huma kkunsidrati bħala ċ-ċentri urbani ewlenin bħal pereżempju l-Ile de France, il-qalba ta’ Londra, il-provinċja ta’ Milan, Amsterdam, Madrid, eċċ (7). (ara “Priority Sector Report: Creative and Cultural Industries” (Rapport dwar il-prijoritajiet tas-settur: l-industriji kulturali u kreattivi) tal-Osservatorju Ewropew tal-Cluster).
4.4.3 Hemm bosta raġunijiet li jwasslu għall-iżvilupp ta’ clusters industrijali kreattivi bħall-iżvilupp ekonomiku tal-belt u tar-reġjun; l-iżvilupp tal-ekonomija tal-għarfien; it-turiżmu kreattiv; l-effikaċja tal-ktajjen ta’ produzzjoni u l-effetti sekondarji tal-innovazzjoni, eċċ. Fuq il-bażi ta’ dan l-għarfien, għandhom jiġu introdotti proġetti speċifiċi biex titħeġġeġ l-espansjoni ta’ dawn il-clusters u l-estensjoni tagħhom madwar it-territorju kollu tal-UE, kif ukoll jinħolqu netwerks fil-livell Ewropew.
4.4.4 Dan jorbot (ara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tad-29 ta’ April 2010) mar-rwol ċentrali tal-industrija kreattiva – in-netwerks u l-clusters tagħha – bħala xprun għall-iżvilupp reġjonali. Il-“Priority Sector Report: Creative and Cultural Industries” (Rapport dwar il-prijoritajiet tas-settur: l-industriji kulturali u kreattivi) tal-Osservatorju Ewropew tal-Cluster jindika b’mod empiriku rabta diretta bejn fejn ikunu lokalizzati l-industriji kreattivi u l-iżvilupp territorjali. Il-problema hija waħda ta’ għażla tal-aktar forom adatti ta’ kooperazzjoni biex titħeġġeġ l-integrazzjoni tal-industriji kulturali u kreattivi fl-iżvilupp strateġiku reġjonali.
4.4.5 Karatteristika prominenti tal-clusters kulturali u kreattivi hija d-dipendenza tagħhom, speċjalment fil-fażi inizjali tat-twaqqif, mill-appoġġ pubbliku u l-bżonn ta’ inizjattivi ta’ integrazzjoni pożittiva li jistgħu jinvolvu l-atturi reġjonali u lokali kollha: l-amministrazzjoni pubblika, is-settur kummerċjali, is-sistema tat-taħriġ u tal-università, l-operaturi kulturali, il-professjonijiet intellettwali u s-soċjetà ċivili. M’għandhiex tiġi sottovalutata r-rabta bejn dawn il-clusters u l-komunità territorjali ta’ oriġini. Dawn il-clusters jinbtu minn “għarfien kondiviż” tal-lokal, u huma marbuta sew ma’ ambjent favorevoli li ma jistax jiġi prodott mill-ġdid xi mkien ieħor li jippromovi l-innovazzjoni u t-tibdil (ara l-istudji tal-każijiet bħalma huma ta’ Bilbao, Valencia, Amsterdam, Ruhr, eċċ.).
4.4.6 Għaldaqstant, l-awtoritajiet lokali (muniċipalitajiet, reġjuni, eċċ) b’kollaborazzjoni mal-korpi lokali u reġjonali l-oħra (universitajiet, banek, assoċjazzjonijiet, provvedituri tal-kontenut pubbliċi u/jew privati, eċċ) jaqdu rwol fundamentali biex l-industriji kulturali u kreattivi jiġu integrati fl-iżvilupp reġjonali, bil-għan li jinkisbu l-objettivi strateġiċi tas-settur. Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE, pereżempju, għarfet il-kontribut multiplu tal-industriji kulturali u kreattivi għall-għanijiet strateġiċi tagħha (il-konverġenza; il-kompetittività, l-impjiegi, il-kooperazzjoni territorjali u l-inklużjoni tas-setturi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà), anke jekk l-effetti huma speċifiċi u mhux faċli li jiġu determinati.
4.4.7 Fost l-eżempji prattiċi li jiġbru flimkien il-kulturi u forom ta’ kreattività barra ċ-ċentri urbani ewlenin, ta’ spiss f’żoni żvantaġġati u/jew transkonfinali, il-KESE jenfasizza, apparti l-esperjenza konsolidata ta’ Valencia, anki l-esperjenza reċenti tal-“laboratorji urbani” tar-reġjun tal-Puglia fejn bini mhux użat, inklużi skejjel antiki, bini storiku abbandunat, monasterji, swieq u kwartieri antiki tas-suldati madwar ir-reġjun ġew ristrutturati u mgħammra biex isiru, bl-appoġġ tar-reġjun, “spazji” għalkollox kulturali u kreattivi għaż-żgħażagħ.
4.5 L-ispazju Ewropew tal-kreattività: il-qafas regolatorju
4.5.1 Kwistjoni oħra importanti kontra l-marġinalità hija l-mobbiltà tal-artisti u tal-operaturi tal-industrija kreattiva. Fil-fatt, għad hemm bżonn tal-iskambju tal-aħjar prattiki biex jinħolqu prospettivi ġodda u biex iċ-ċittadini Ewropej jitħajru jsiru jafu u jifhmu aħjar il-kulturi ta’ xulxin.
4.5.2 Madankollu, l-ostakli għall-mobbiltà huma ħafna, l-aktar konnessi mar-regolamenti tal-viża, is-sistemi fiskali u ostakli oħra amministrattivi marbutin mar-regolamenti differenti li japplikaw għas-settur fil-pajjiżi Ewropej differenti, u ta’ spiss bejn id-diversi amministrazzjonijiet reġjonali.
4.5.3 Il-proposti prattiċi biex tiġi promossa l-mobbiltà jinkludu: il-promozzjoni ta’ koproduzzjonijiet Ewropej u/jew l-iskambju ta’ esperjenzi u ta’ kompetenzi, kemm fil-fażijiet ta’ produzzjoni kif ukoll f’dawk ta’ disinn, intra- jew intersettorjali; garanzija tal-fondi għat-traduzzjoni fil-lingwi l-anqas mitkellma u mhux Ewropej; il-promozzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-għarfien reċiproku tal-attivitajiet, il-kwalifiki professjonali u l-kompetenzi li jistgħu jiġu ċċertifikati; l-iffirmar ta’ ftehimiet kontra t-tassazzjoni doppja. Il-professjonijiet intellettwali jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ “ekonomija kulturali u kreattiva”: dawn jistgħu jagħtu kontribut għal proġett pilota f’netwerk li jkun kapaċi jiġbed il-kontributi kreattivi anke minn barra l-Unjoni Ewropea.
4.5.4 F’dan il-qasam l-ICT joffri opportunitajiet ġodda kemm għall-ħolqien ta’ prodotti kreattivi, kif ukoll għad-distribuzzjoni u t-tgawdija tagħhom mill-utenti finali. F’Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Aġenda Diġitali għall-Ewropa ambizzjuża (l-ewwel minn seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020). Fost is-seba’ objettivi ewlenin tagħha, l-Aġenda tirrakkomanda suq uniku ġdid biex jiġu sfruttati l-benefiċċji tal-era diġitali, żieda sinifikanti fil-possibbiltà ta’ aċċess għal internet veloċi u veloċi ħafna għaċ-ċittadini Ewropej, u l-għan li ċ-ċittadini Ewropej kollha jingħataw kompetenzi diġitali u servizzi aċċessibbli onlajn.
4.5.5 Madankollu, l-ostaklu ewlieni għall-potenzjal diġitali tas-settur huwa n-nuqqas ta’ qafas regolatorju li jħares id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-kontenut kulturali u kreattiv f’forma diġitali (ir-regoli attwali ta’ spiss ikunu mmirati lejn il-bżonnijiet tal-operaturi l-kbar biss), kif ukoll id-dritt għall-aċċess għall-kontenut mill-utenti/iċ-ċittadini u l-SMEs, b’mod partikolari dawk li jinsabu f’żoni żvantaġġati (li spiss ikollhom joqogħdu għal regoli ta’ aċċess limitat mhux ġustifikati).
4.5.6 Il-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tiġi studjata b’rabta mal-problema tal-piraterija u tal-falsifikazzjoni. B’riżultat ta’ dan ġie stmat li, fl-2008 biss, l-industrija kreattiva (ċinema, sensiliet televiżivi, produzzjonijiet mużikali u softwer) tilfet dħul ta’ EUR 10 biljun u 185 000 post tax-xogħol (ara l-istudju TERA dwar “Il-bini ta’ ekonomija diġitali: l-importanza tal-ħarsien tal-livelli tal-impjiegi fl-industriji kreattivi fl-UE”). Il-piraterija diġitali hija reat kriminali ta’ dannu kemm għall-kumpaniji ż-żgħar kif ukoll għall-kbar, u teħtieġ miżuri aktar robusti u koordinati fil-livell Ewropew sabiex tingħata spinta lill-protezzjoni tal-konsumatur u biex il-produzzjonijiet illegali jiġu ttrattati fuq skala akbar.
4.5.7 F’dan il-qasam, għandu jiġi vvalutat il-potenzjal offrut mill-mudelli tal-“open source” u tal-“wikinomics”, fid-dawl tal-kapaċità speċifika tagħhom li jagħtu valur lill-ħidma tal-atturi ż-żgħar, ikkaratterizzata minn proċess ta’ produzzjoni frammentat, kontributi kreattivi b’individwalità qawwija, ċikli produttivi varjabbli, u riżorsi finanzjarji limitati.
4.5.8 Ir-rapport tal-proġett tal-CReATE (8) dwar l-ICT u l-industriji kulturali jidentifika erba’ xejriet prinċipali li permezz tagħhom l-ICT jista’ jixpruna l-iżvilupp ekonomiku tal-industriji kulturali u kreattivi: id-distribuzzjoni diġitali biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-kontenut onlajn; l-iżvilupp tal-esperjenzi viżwali; it-tnaqqis tal-ostakli u l-iżvilupp sostenibbli ta’ intaprenditoriji ġodda, b’mod partikolari fiż-żoni żvantaġġati tal-UE; il-kapaċità li l-organizzazzjoni tax-xogħol tiġi adattata għar-riżorsi mifruxa fir-reġjun u tingħaqad sempliċement permezz tat-teknoloġija u tal-provvedituri tal-kontenut fl-ambitu tas-sħubija tal-individwi pubbliċi u privati.
4.5.9 It-tieni kwistjoni li tqajjem il-Kummissjoni tikkonċerna l-promozzjoni tal-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel tal-arti u tad-disinn u l-intrapriżi, b’mod partikolari dawk tal-artiġġjanat, kif ukoll l-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali, b’mod partikolari fejn dawn ikunu nieqsa jew ikunu għadhom dgħajfa. Il-manifest li ħareġ fl-2009, is-sena tal-kreattività tal-UE, enfasizza l-ħtieġa ta’ riforma kbira fit-tagħlim biex dan iħejji lill-individwi għas-soċjetà tal-għarfien. Madankollu hemm problema speċifika ta’ nuqqas ta’ integrazzjoni bejn id-dinja tat-tagħlim u dik intaprenditorjali, b’mod partikolari fl-iżvilupp tal-kreattività, ta’ ’l hekk imsejħa ħiliet elettroniċi u b’mod aktar ġenerali, tal-kapaċità ta’ adattament tar-riżorsi umani għall-iżvilupp straordinarju tas-settur.
4.5.10 Il-proposti prattiċi għal dan il-qasam jinkludu:
a) |
il-promozzjoni ta’ għarfien akbar tal-industrija kreattiva fil-kurrikula tal-iskejjel; il-promozzjoni ta’ intraprenditorija kreattiva anke billi jinħolqu aktar opportunitajiet għall-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u l-istituzzjonijiet tal-arti u tad-disinn (pereżempju apprendistati u seminars); |
b) |
l-introduzzjoni ta’ kompetizzjonijiet u ta’ premji għaż-żgħażagħ b’talent u għal dawk l-istituzzjonijiet li jħeġġu l-kompetenzi; |
c) |
il-promozzjoni tal-edukazzjoni artistika u kulturali u b’mod aktar ġenerali, tal-interess għax-xogħol u l-prodotti tal-industrija kreattiva fl-edukazzjoni primarja u sekondarja; |
d) |
miżuri ta’ appoġġ għall-gradwati ġodda fis-settur permezz ta’ għajnuna ekonomika diretta jew lill-intrapriżi li jimpjegawhom; |
e) |
appoġġ lill-impjegabbiltà permezz ta’ proċess ta’ taħriġ kontinwu u ta’ għarfien Ewropew taċ-ċertifikati; |
f) |
l-iżvilupp ta’ għarfien tal-informatika u t-teknoloġija fl-istudenti tal-istituti tal-arti u d-disinn; |
g) |
It-tnedija ta’ sħubijiet ma’ assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-artiġġjanat fl-UE, bl-għan li jsir kontribut effettiv lill-proċess ta’ trażmissjoni tal-għarfien, l-intraprenditorija u l-valuri “immaterjali” li huma l-bażi tal-iżvilupp kreattiv. |
4.6 Il-finanzjament tal-kreattività
4.6.1 It-tielet kwistjoni li tqajjem il-Kummissjoni tikkonċerna t-tema tal-finanzjament tal-kreattività, jiġifieri kif għandhom jiġu stimolati l-investiment privat u l-PPPP u jittejjeb l-aċċess tal-industriji kulturali u kreattivi għall-kreditu. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, minn naħa, jekk l-intrapriżi jagħtu attenzjoni akbar lill-aspetti tas-sostenibbiltà ekonomika u finanzjarja tal-proġetti/xogħlijiet, bla dubju jżidu l-aċċess għall-kreditu u, minn naħa oħra, li l-istituzzjonijiet tal-kreditu mhumiex imħarrġa biex jivvalutaw l-effetti ekonomiċi u finanzjarji ta’ ideat ġodda.
4.6.2 F’dan ir-rigward il-proposti konkreti jinkludu:
a) |
mudell Ewropew komuni ta’ pjan ta’ negozju għall-proġetti/servizzi/xogħlijiet kreattivi u kulturali, kif ukoll indikaturi speċifiċi ta’ kwalità tal-proċessi u tal-prestazzjoni ekonomika-finanzjarja li jistgħu jħaffu l-valutazzjoni teknika-ekonomika tal-investiment fis-settur, filwaqt li jiġu evitati spejjeż u burokrazija inutli għall-SMEs; |
b) |
l-għoti ta’ taħriġ adatt għal dawk li jwettqu l-valutazzjonijiet u l-iżvilupp ta’ politiki u programmi ta’ appoġġ immirati lejn l-industriji kulturali u kreattivi permezz ta’ approċċ “olistiku”; |
c) |
bi ftit riżorsi, jista’ jiġi garantit finanzjament favorevoli għall-ippjanar ta’ kumpaniji ġodda jew għall-verifika preliminari tal-fattibbiltà u s-sostenibbiltà tal-proġetti (pereżempju, ċertifikazzjoni tal-fattibbiltà), biex ikunu jistgħu jinkisbu fondi oħra għall-fażi tal-produzzjoni u biex ir-riżultati jiġu applikati għal firxa usa’ ta’ kumpaniji interessati; |
d) |
jiġu adottati sistemi fiskali li ma jippenalizzawx lill-industriji kulturali u kreattivi, b’mod partikolari l-SMEs, individwalment jew kollettivament, permezz ta’ krediti tat-taxxa u ħelsien mit-taxxa (eż. VAT imnaqqsa għal prodotti “off line” u “on line” tas-settur, kif jiġri fl-Istati Uniti); |
e) |
jiġu żviluppati forom ta’ faċilitar ta’ kreditu, fondi ta’ garanzija konġunti pubbliċi-privati għall-SMEs (network Ewropew ta’ konsorzji ta’ kreditu tal-SMEs) u fondi rotattivi; |
f) |
jiġu promossi forom ġodda ta’ assoċjazzjoni u sħubija bejn il-partijiet interessati varji tat-taqsimiet konċernati (eż. ICT, mużika, pubblikazzjoni tal-kotba, eċċ.). |
4.6.3 Kwistjoni relatata hija l-appoġġ Ewropew għall-investiment fis-settur. Il-politiki Ewropej bil-għan li jappoġġjaw is-settur għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-promozzjoni tal-armonizzazzjoni tar-regolamenti nazzjonali u reġjonali u tal-politiki li jippromovu s-settur fir-rigward tal-appoġġ pubbliku u aċċess għall-kreditu, privat u sussidjat bil-għan li jitwaqqfu sħubijiet u proġetti bejn it-territorji b’livelli differenti ta’ żvilupp (ara r-rapport KEA Business Innovation Support Services for Creative Industries) (9).
4.7 Id-dimensjoni soċjali tal-kreattività
4.7.1 Fl-aħħar, ta’ min jenfasizza l-kwistjoni tal-impatt soċjali tal-iżvilupp tal-clusters tal-kreattività. Dan hu intrinsiku għall-iżvilupp tal-industriji kulturali u kreattivi, fil-fatt, hemm rabta mill-qrib bejn it-tkabbir ekonomiku u t-tkabbir soċjali tal-komunitajiet interessati. Fil-fatt, is-settur jibqa’ intrinsikament marbut mal-ambjent tiegħu: il-clusters jiddependu mir-relazzjonijiet soċjoekonomiċi lokali li ma jistgħux jinħolqu mill-ġdid banda oħra; l-għeruq reġjonali tal-operaturi tas-settur u r-rabta mill-qrib mas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Għaldaqstant jinħtieġ l-iżvilupp ta’ djalogu strutturat bejn l-industriji kulturali u kreattivi u l-amministrazzjoni lokali billi jiġu adattati l-kompetenzi istituzzjonali/amministrattivi permezz ta’ taħriġ immirat u l-parteċipazzjoni attiva tal-komunità lokali.
4.7.2 Konsegwentement, il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit djalogu strutturat fi ħdan l-istituzzjonijiet Komunitarji dwar l-impatt soċjali tal-iżvilupp ta’ clusters tal-kreattività u dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk li jaħdmu fis-settur. Is-settur għandu bżonn miżuri mmirati ta’ protezzjoni soċjali fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, bħall-firxa tal-impjieg prekarju, il-preżenza ta’ kuntratti qosra u qosra ħafna, in-nuqqas ta’ protezzjoni adatta tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u n-nuqqas ta’ leġislazzjoni dwar il-mobbiltà tal-ħaddiema, tal-membri tal-professjonijiet liberali u tal-artisti.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Ara, f’kuntest differenti, l-opinjoni dwar Titjib tal-mudelli tas-“sħubijiet parteċipattivi pubbliċi-privati” fl-iżvilupp ta’ “servizzi-e” għal kulħadd fl-UE 27 (TEN/402, adottata mill-KESE waqt is-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Settembru 2010, għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).
(2) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Europe's Creative Industries” (L-industriji kulturali fl-Ewropa) (ĠU C 108, 30.4.2004, p. 68). (Mhux disponibbili bil-Malti).
(3) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Unlocking and strengthening Europe's potential for research, development and innovation” (L-użu u l-iżvilupp tal-potenzjal tal-Ewropa fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni) (ĠU C 325, 30.12.2006, p. 16). Ara b’mod partikolari punt 4.12 u n-nota 55. (Mhux disponibbili bil-Malti).
(4) Studju li twettaq mill-kumpanija KEA fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea (http://www.keanet.eu/report/BISScreativeindustries.pdf) juri tliet linji fundamentali f’dan ir-rigward: ir-rabta mal-iżvilupp lokali/reġjonali; ir-relazzjonijiet intrasettorjali (pereżempju bejn il-kontenuti kreattivi u l-ICT, jew bejn il-kultura u t-turiżmu); l-interkonnessjonijiet bejn is-setturi “kreattivi” u dawk “mhux kreattivi”. Dan ir-rapport tħejja fl-okkażjoni tal-workshop organizzat f’Amsterdam mid-DĠ għall-Intrapriża, fejn ġiet elaborata wkoll id-“Dikjarazzjoni ta’ Amsterdam” (http://www.europe-innova.eu/creative-industries).
(5) Ovvjament, eżaminazzjoni dettaljata tal-mudelli ta’ politika industrijali adottati fid-diversi Stati Membri għal darb’oħra se jirrikjedu definizzjoni unika li jkun sar qbil dwarha tal-industrija kulturali u kreattivi. Il-finanzjament pubbliku, madankollu, huwa ġeneralment immirat biex jippromovi s-settur kulturali (it-teatru, iċ-ċinema, l-arti, il-fondazzjonijiet, eċċ.) b’impatti sinifikanti fuq is-settur kollu, minħabba l-interrelazzjoni li teżisti bejn l-investimenti kulturali u l-iżvilupp tal-industiji kreattivi.
(6) L-inizjattiva se jkollha baġit ta’ EUR 7,5 miljun, u huwa maħsub li din ser ikollha effett qawwi ta’ lieva finanzjarja (madwar EUR 100 fi tliet snin).
(7) Dawn il-“konċentrazzjonijiet reġjonali” jikkonċernaw prinċipalment, sottosetturi speċifiċi bħall-computer media, sound recording u video recording.
(8) Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett CreATe: http://www.lets-create.eu/
(9) Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/50 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2002/629/ĠAI”
COM(2010) 95 finali – 2010/0065 (COD)
2011/C 51/10
Relatur: is-Sur SIBIAN
Nhar it-22 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tal-vittmi, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2002/629/ĠAI
COM(2010) 95 finali – 2010/0065 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2010.
Fid-dawl tat-tiġdid tal-Kumitat, l-Assemblea Plenarja ddeċiediet li l-votazzjoni fuq din l-opinjoni ssir fis-sessjoni plenarja ta’ Ottubru u ħatret lis-Sur SIBIAN bħala relatur ġenerali, b’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura.
Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’mod unanimu.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jappoġġja l-impenn tal-UE li tipprevjeni u tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u tħares id-drittijiet tal-vittmi u jilqa’ l-approċċ integrat u globali tad-direttiva. |
1.2 |
It-traffikar tal-bndemin huwa ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, reat b’ħafna aspetti li kollha għandhom jitqiesu. Id-definizzjoni proposta mid-direttiva tkopri diversi forom ta’ vittmi u ta’ sfruttament, inklużi l-elemożina u l-isfruttament tal-attivitajiet kriminali, li huma żewġ oqsma ġodda koperti minn din id-direttiva. Id-definizzjoni tkopri wkoll it-traffikar għall-għan tat-teħid tal-organi, il-ksur serju tal-integrità fiżika u tad-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din id-definizzjoni wiesgħa tal-offiżi li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin. |
1.3 |
Il-KESE huwa tal-fehma li s-sanzjonijiet kriminali għall-offiżi relatati mat-traffikar iridu jkunu proporzjonati mal-gravità estrema ta’ dawn ir-reati. Għalhekk jirrakkomanda li jiġu adottati pieni u sanzjonijiet aktar ħorox flimkien mal-qbid ta’ assi li ġejjin minn attivitajiet illegali. L-investigazzjonijiet dwar it-traffikar tal-bnedmin għandhom jinkludu wkoll l-investigazzjonijiet finanzjarji. Huwa assolutament neċessarju li jiġu armonizzati l-pieni u s-sanzjonijiet bejn l-Istati Membri. |
1.4 |
Apparti l-istabbiliment ta’ sanzjonijiet għal dawk li jwettqu r-reati, aspett ieħor ta’ importanza primarja fil-ġlieda kontra dan il-ksur enormi tad-drittijiet tal-bniedem huwa li jiġu assigurat li s-sentenzi li jingħataw mill-Qorti jiġu skontati. Fil-każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin, il-KESE jirrakkomanda li m’għandu jkun hemm l-ebda possibbiltà ta’ bdil ta’ sanzjoni jew ħelsien mill-ħabs qabel ma jiġi skontat il-perijodu speċifikat fis-sentenza. |
1.5 |
Il-KESE jaqbel mal-fehma li l-vittmi tat-traffikar jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli u għandhom jiġu protetti minn vittimizzazzjoni sekondarja u aktar trawma matul il-proċedimenti kriminali. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li jerġa’ jinkiteb l-Artikolu 7 tad-Direttiva, li bħalissa jgħid li “L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-possibbiltà li ma jagħmlux prosekuzzjoni jew jimponu pieni fuq il-vittmi” u l-kelma “possibbiltà” tiġi sostitwita b’terminu aktar qawwi, sabiex in-nuqqas ta’ prosekuzzjoni u li ma jiġux imposti pieni jsiru r-regola aktar milli l-eċċezzjoni. |
1.6 |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tal-vittmi tat-traffikar, il-KESE jipproponi li dawn jiġu pprovduti b’assistenza legali b’xejn u ta’ kwalità, mill-mument li jiġu identifikati bħala tali. |
1.7 |
Fil-każ tal-minuri, l-assistenza u l-appoġġ għandhom jikkonsistu primarjament li t-tfal jingħaqdu mal-familji tagħhom, jekk dawn tal-aħħar ma kinux involuti fit-traffikar. |
1.8 |
Sabiex il-vittmi tat-traffikar jerġgħu jintegraw b’suċċess u sabiex jiġi evitat li jerġgħu jiġu traffikati hekk kif jaslu, il-vittmi tat-traffikar għandhom jibbenefikaw minn perijodu ta’ riflessjoni (1), li apparti l-għajnuna medika, għandu jipprovdilhom edukazzjoni u/jew taħriġ professjonali. |
1.9 |
Il-prinċipju ta’ non-refoulement għandu jiġi applikat ukoll fil-każ tat-traffikar tal-bnedmin, u jiġi assigurat li l-vittmi ma jintbagħtux lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini jekk ħajjithom jew il-libertà tagħhom huma mhedda. |
1.10 |
Il-KESE jaqbel mal-fehma li fost l-azzjoni u d-deċiżjonijiet ulterjuri dwar it-traffikar tal-bnedmin għandu jkun hemm il-prevenzjoni. F’dan ir-rigward, hemm bżonn ta’ għarfien u analiżi profondi tal-kawżi li huma sors tat-traffikar sabiex dawn il-fatturi jiġu miġġielda b’mod effettiv u b’hekk titnaqqas ir-rata tat-traffikar tal-bnedmin. |
1.11 |
It-traffikar tal-bnedmin huwa kemm kwistjoni globali kif ukoll problema lokali. Il-KESE jemmen li l-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-prosekuzzjoni jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikun hemm sħubija estensiva li tinvolvi l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, is-settur privat, it-trejdjunjins u l-livelli kollha ta’ gvern. Għandu jinħoloq ambjent ostili għat-traffikanti tal-bnedmin. |
1.12 |
Is-soċjetà ċivili wkoll taqdi rwol ċentrali fl-isforz tal-ġlieda tat-traffikar. Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-Direttiva tantiċipa kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa kruċjali li dawn il-korpi jkunu involuti f’kull fażi ta’ dan il-proċess, mill-identifikazzjoni tal-vittmi sal-għotja tal-assistenza. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu rwol vitali fir-riintegrazzjoni soċjali tal-vittmi potenzjali u għalhekk jistgħu jkollhom effett preventiv indirett u jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta’ iktar vittimizzazzjoni u involviment fit-traffikar tal-bnedmin. |
1.13 |
Il-KESE jappoġġja l-idea li hemm nuqqas ta’ data komparabbli fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin. Għalhekk, hemm bżonn li tinġabar data ta’ kwalità dwar dan il-fenomenu b’mod armonizzat fl-Istati Membri tal-UE permezz tat-twaqqif ta’ Rapporteurs Nazzjonali. |
1.14 |
Il-ħatra ta’ korpi nazzjonali ta’ rappurtaġġ fuq dan is-suġġett għandha ssir ir-regola, u l-mandat tagħhom speċifikat b’mod ċar. Skont id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jaħtru korpi nazzjonali ta’ rappurtaġġ jew jistabbilixxu mekkaniżmi oħra ekwivalenti. Il-KESE jikkunsidra li għandu jissemma biss tip wieħed ta’ istituzzjoni, u dan il-korp nazzjonali f’kull Stat Membru għandu jikkoordina politiki u azzjoni fil-livell reġjonali u mal-Istati Membri l-oħra, sabiex jiġu evitati diskrepanzi prinċipali bejn il-pajjiżi. |
1.15 |
Il-KESE jinsab ħerqan biex jara azzjoni konsistenti, sodisfaċenti u deċiżiva b’riżultat tal-ftehim li ntlaħaq mill-Istati Membri dwar il-ħatra ta’ koordinatur Ewropew għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fil-livell Ewropew. |
2. Proposta tal-Kummissjoni
Il-proposta għal direttiva tibni fuq il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u tadotta l-istess approċċ globali li jkopri l-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi u l-monitoraġġ. Barra minn hekk, il-proposta turi dawn l-elementi prinċipali ta’ valur miżjud:
— |
passi biex il-pieni jkunu proporzjonati mas-severità tar-reati; |
— |
klawżola ta’ ġurisdizzjoni ekstraterritorjali usa’ u aktar vinkolanti, li tobbliga lill-Istati Membri li jipproċedu kontra ċittadini u residenti abitwali li wettqu r-reat tat-traffikar barra t-territorju tal-Istat Membru; |
— |
ambitu usa’ għad-dispożizzjoni relatata man-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ sanzjonijiet lill-vittmi għall-involviment tagħhom f’attivitajiet kriminali, ikunu xi jkunu il-mezzi illeċiti li ntużaw mit-traffikanti, skont il-Protokoll ta’ Palermo; |
— |
għajnuna mtejba għall-vittmi, speċjalment fit-trattament mediku, kif ukoll miżuri ta’ protezzjoni; |
— |
garanzija ta’ protezzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini jekk il-vittmi jintbagħtu lura fih; |
— |
miżuri protettivi speċjali għat-tfal, nisa u gruppi vulnerabbli oħra li huma l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; u |
— |
barra minn hekk, l-integrazzjoni ta’ dispożizzjonijiet analogi fl-acquis tal-UE turi l-vantaġġi ta’ rabta iktar b’saħħitha imposta mill-ordni legali tal-UE, preċiżament id-dħul fis-seħħ immedjat u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni. |
3. Kummenti speċifiċi
3.1 |
Il-KESE jappoġġja l-impenn tal-UE li tipprevjeni u tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin u tħares id-drittijiet tal-vittmi. L-għan tad-Direttiva proposta huwa li jiġu stabbiliti regoli minimi għal sanzjonijiet li japplikaw għal reati ta’ traffikar tal-bnedmin u li jiżdiedu l-isforzi biex jitwaqqaf dan il-fenomenu u jiġu protetti l-vittmi tiegħu. |
3.2 |
Il-KESE jilqa’ l-approċċ integrat u globali tad-direttiva. Peress li t-traffikar tal-bnedmin huwa forma moderna ta’ skjavitù u huwa kummerċ li jħalli ħafna qligħ għal reati organizzati u qiegħed jiżdied fl-Ewropa (skont il-valutazzjoni tal-Europol tal-2009), huwa essenzjali li l-approċċ tal-UE fil-qasam ikun iċċentrat fuq id-drittijiet tal-bnedmin u globali u jkun jiffoka fuq ir-relazzjonijiet esterni, il-politiki ta’ ritorn u ta’ riintegrazzjoni, l-affarijiet soċjali, l-inklużjoni soċjali, il-migrazzjoni u l-asil. |
3.3 |
Il-KESE jinnota li d-direttiva tindirizza l-iżviluppi reċenti fil-fenomenu tat-traffikar tal-bnedmin, u għalhekk id-definizzjoni tat-traffikar tal-bnedim hija konformi ma’ standards miftiehma fil-livell internazzjonali, bħal dawk imfissra fil-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u tat-Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Transnazzjonali Organizzata u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra t-Traffikar tal-Bnedmin. |
3.4 |
Il-preambolu tad-direttiva jinkludi speċifikazzjonijiet ċari relatati ma’ x’inhu inkluż fl-espressjoni “persuni partikularment vulnerabbli”. Peress li t-tfal huma iktar vulnerabbli u għalhekk iktar fir-riskju li jisfgħu vittmi tat-traffikar, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil din il-kategorija ta’ vittmi. Il-KESE jqis li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom jingħataw konsiderazzjoni primarja, skont kif tistabbilixxi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. |
3.5 |
Madankollu, huwa importanti li d-definizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin tkopri t-tipi kollha ta’ vittmi, inklużi n-nisa u l-irġiel, u tiġi rikonoxxuta l-possibbiltà li persuna tkun f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà. |
3.6 |
Jitqiesu l-aspetti kollha ta’ dan ir-reat. Id-definizzjoni ta’ traffikar tal-bnedmin tkopri diversi forom ta’ vittmi u ta’ sfruttament, inklużi l-elemożina u l-isfruttament tal-attivitajiet kriminali, li huma żewġ oqsma ġodda koperti mid-Direttiva proposta. Id-definizzjoni tkopri wkoll it-traffikar għall-għan tat-teħid tal-organi, il-ksur serju tal-integrità fiżika u tad-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din id-definizzjoni wiesgħa tal-offiżi li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin. |
3.7 |
Il-KESE jqis li l-Istati Membri għandhom jintegraw definizzjoni usa’ ta’ traffikar (kif ukoll jintuża lingwaġġ usa’ kontra t-traffikar) fil-leġislazzjoni tagħhom sabiex jipprovdu qafas li jindirizza dan il-fenomenu kumpless u f’evoluzzjoni kontinwa fil-forom diversi tiegħu. Pereżempju, għandhom jitqiesu wkoll forom possibbli tar-reat bl-użu tal-internet u t-teknoloġiji tal-informatika b’mod ġenerali. |
3.8 |
Id-direttiva hija progress importanti billi tistabbilixxi livelli ċari ta’ pieni u sanzjonijiet. L-għan tad-dokument huwa li jassigura armonizzazzjoni tal-livell ta’ sanzjonijiet bejn l-Istati Membri. |
3.9 |
Il-KESE huwa konxju tad-diffikultajiet li ġew iffaċċjati fit-tfassil tad-direttiva, rigward l-istabbiliment ta’ livelli massimi u uniformi ta’ pieni. Madankollu, huwa importanti li l-pieni jiġu armonizzati, peress li hemm differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri: minn tlieta sa għoxrin sena ħabs għal offiżi bażiċi u minn għaxar snin sa għomor il-ħabs għal ċirkostanzi aggravanti. Minkejja d-differenzi bejn id-diversi sistemi u politiki penali, il-KESE jqis li r-risposta għaż-żjieda fir-rata ta’ dawn ir-reati hija politika ta’ pieni severi u stretti b’inkriminazzjoni soda. |
3.10 |
Skont id-data disponibbli attwalment, ġie stmat li kull sena, mijiet ta’ eluf ta’ persuni jiġu ttraffikati minn pajjiżi terzi lejn l-UE jew fl-UE stess. Barra minn hekk, fl-2008, in-numru ta’ każijiet ta’ traffikar tal-bnedmin li nfetħu mill-Eurojust żdied b’aktar minn 10 % meta mqabbel mal-2007. Illum il-ġurnata, dan it-tip ta’ traffikar jeżisti f’forma jew oħra f’kull wieħed mis-27 Stat Membru u dan ir-reat qiegħed isir aktar frekwenti. |
3.11 |
Il-livell ta’ pieni u sanzjonijiet għal dawk li japprofittaw mit-traffikar tal-bnedmin għandu jirrifletti l-gravità tar-reat u jaġixxi ta’ deterrent effettiv. B’hekk, il-pieni proposti għandhom għalhekk jiġu riveduti u jiżdiedu, peress li l-KESE jqis li priġunerija ta’ ħames snin ma tirriflettix biżżejjed il-gravità ta’ dan ir-reat. Sanzjonijiet aktar qawwijin iservu aħjar l-interessi ta’ din id-direttiva. B’konsegwenza, il-pieni assoċjati ma’ ċirkostanzi aggravanti għandhom jiġu aġġustati. Il-prattika li s-sentenzi ta’ ħabs jinbidlu minħabba imġiba tajba jew f’kommemorazzjoni ta’ festivitajiet nazzjonali eċċ., m’għandhiex tiġi applikata għar-reati f’din il-kategorija. |
3.12 |
Aspett ieħor ta’ importanza primarja li jrid jitqies mill-Istati Membri huwa li jiġi assigurat li s-sentenzi jiġu skontati. Minħabba l-gravità tar-reat m’għandhiex tiġi aċċettata l-prattika li s-sentenzi ta’ ħabs jinbidlu u jingħata l-ħelsien mill-ħabs qabel ma jiġi skontat il-perijodu kollu speċifikat fis-sentenza. |
3.13 |
Barra l-pieni stabbiliti minn din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jinkludu sanzjonijiet fil-forma ta’ qbid ta’ assi, li jista’ jolqot il-qalba tar-raġunijiet ekonomiċi ta’ dawn l-attivitajiet (2), projbizzjoni fuq it-tluq mill-pajjiż u restrizzjonijiet fuq ċerti drittijiet ċivili u politiċi. L-investigazzjonijiet fit-traffikar tal-bnedmin għandhom jinkludu wkoll investigazzjonijiet finanzjarji. |
3.14 |
Il-KESE jaqbel mal-fehma li l-vittmi tat-traffikar jinsabu f’sitwazzjoni vulnerabbli u għandhom jiġu protetti minn vittimizzazzjoni sekondarja u aktar trawma matul il-proċedimenti kriminali. Iridu jkunu wkoll f’pożizzjoni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv u jiksbu l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġa. |
3.15 |
Il-KESE jaqbel għalkollox li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għandhom ikunu protetti mill-prosekuzzjoni u l-ikkastigar għall-attivitajiet kriminali relatati maċ-ċirkostanzi tagħhom meta jkunu suġġetti għat-traffikar (eż. l-użu ta’ dokumenti foloz, il-prostituzzjoni, l-immigrazzjoni illegali eċċ.). Din il-protezzjoni hija meħtieġa biex tiġi evitata vittimizzazzjoni ulterjuri u tinkoraġġixxi lill-vittmi jkunu xhieda fil-proċedimenti kriminali. L-Artikolu 7 jgħid li: “L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-possibbiltà li ma jagħmlux prosekuzzjoni jew jimponu pieni fuq il-vittmi …”. Il-KESE jirrakkomanda li l-kelma “possibbiltà” tiġi sostitwita b’terminu aktar qawwi, sabiex in-nuqqas ta’ prosekuzzjoni u li ma jiġux imposti pieni jsiru r-regola aktar milli l-eċċezzjoni. |
3.16 |
Il-vittmi tat-traffikar għandhom ikunu protetti mill-vittimizzazzjoni sekondarja u iktar trawma matul il-proċedimenti kriminali. Għalhekk, il-vittmi kollha tat-traffikar għandhom jingħataw il-possibbiltà li jixhdu minn wara skrin jew f’kamra separata, ħalli ma jiffaċċjawx direttament lit-traffikanti jew lil dawk li wettqu r-reat, peress li dan jista’ jwassal għal tensjoni jew biża’. |
3.17 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, mill-mument li jiġu identifikati bħala tali, għandhom jiġu pprovduti b’assistenza legali b’xejn u ta’ kwalità. Din l-assistenza hija wkoll fl-interess tal-istat, għax din tiggarantixxi li l-vittma tingħata l-protezzjoni meħtieġa kemm jista’ jkun malajr u tiġi assigurata parteċipazzjoni volontarja fl-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali. |
3.18 |
Il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġi ripetut il-prinċipju ta’ non-refoulement, u jiġi assigurat li l-vittmi ma jintbagħtux lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini jekk ħajjithom jew il-libertà tagħhom jistgħu jkunu mhedda. |
3.19 |
Il-KESE jikkunsidra li l-klawżola ta’ ġurisdizzjoni ekstraterritorjali proposta mid-direttiva tista’ toħloq kunflitti fit-twettiq tal-ġurisdizzjoni fil-proċedimenti kriminali. |
3.20 |
L-assistenza u l-appoġġ għat-tfal vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għandhom jikkonsistu primarjament li t-tfal jingħaqdu mal-familji tagħhom, jekk dawn tal-aħħar ma kinux involuti fit-traffikar. |
3.21 |
Sabiex il-vittmi tat-traffikar jerġgħu jintegraw b’suċċess u sabiex jiġi evitat li jerġgħu jiġu traffikati hekk kif jaslu, il-vittmi għandhom jibbenefikaw minn perijodu ta’ riflessjoni (3), li apparti l-għajnuna medika, għandu jinkludi edukazzjoni u/jew taħriġ professjonali. Il-perijodu ta’ riflessjoni għandu jsir irrispettivament mill-vittmi li jixhdu kontra min iwettaq ir-reat u irrispettivament mir-ritorn volontarju tagħhom lejn il-pajjiżi tal-oriġini tagħhom. |
3.22 |
Il-KESE jaqbel mal-fehma li azzjoni u deċiżjonijiet ulterjuri dwar it-traffikar tal-bnedmin għandhom jinkludu prevenzjoni, kif ukoll protezzjoni u assistenza lill-vittmi u kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-partijiet interessati kollha. |
3.23 |
L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-kawżi li huma s-sors tat-traffikar, rappreżentati mill-faqar u d-disparitajiet globali tal-istat tad-dritt. Id-distribuzzjoni żbilanċjata tal-ġid, in-nuqqas ta’ edukazzjoni, id-diskriminazzjoni, il-governanza medjokra, ir-rati għoljin ta’ qgħad, l-infurzar dgħajjef tas-sistema, il-kunflitti armati u l-korruzzjoni joħolqu qasam favorevoli għat-traffikar tal-bnedmin. Il-ġlieda kontra dawn il-fatturi għandha twassal ukoll għal tnaqqis fil-frekwenza tat-traffikar tal-persuni. |
3.24 |
Anke jekk id-definizzjoni fid-direttiva tal-persuna legali li tista’ tinsab responsabbli għal offiżi kriminali li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin teskludi Stati jew korpi pubbliċi li jeżerċitaw l-awtorità ta’ Stat, huwa importanti li l-Istati jagħmlu l-isforzi kollha neċessarji biex jidentifikaw u jeliminaw l-involviment jew il-kompliċità tas-settur pubbliku fit-traffikar. L-uffiċjali pubbliċi involuti f’attivitajiet illegali jew kriminali bħal dawn għandhom jitħarrku u jiġu kkundannati mingħajr eċċezzjoni. |
3.25 |
L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li t-traffikar huwa regolat ukoll mil-liġi tad-domanda u l-provvista. Għalhekk, għandhom jittieħdu passi biex titnaqqas id-domanda u dan għandu jgħin inaqqas it-traffikar innifsu. Kieku l-Istati Membri kellhom jieħdu l-miżuri adegwati biex jiskoraġġixxu d-domanda li twassal għal kull forma ta’ sfruttament kif ukoll jadottaw miżuri biex jitnaqqas ir-riskju ta’ nies li jisfgħu vittmi tat-traffikar, kieku jsir progress kbir biex titnaqqas il-frekwenza ta’ dan ir-reat. |
3.26 |
It-traffikar tal-bnedmin huwa kemm kwistjoni dinjija kif ukoll problema lokali. Il-KESE jemmen li l-infurzar tal-liġi u l-politiki tal-prosekuzzjoni jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikun hemm sħubija estensiva li tinvolvi l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, is-settur privat, lit-trejdjunjins u l-livelli kollha ta’ gvern. Għandu jinħoloq ambjent ostili għat-traffikanti tal-bnedmin. |
3.27 |
Skont id-direttiva, l-azzjoni li għandhom jieħdu l-Istati Membri tikkonsisti f’kampanji ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni, programmi ta’ riċerka u edukazzjoni, fejn xieraq f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, immirati biex inaqqsu r-riskju li l-persuni, speċjalment it-tfal, isiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Il-KESE jqis li l-kampanji ta’ darba mhumiex effiċjenti biżżejjed u jipproponi kampanji kontinwi ta’ edukazzjoni fil-livell Ewropew. |
3.28 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-Direttiva tantiċipa kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa kruċjali li dawn il-korpi jkunu involuti f’kull fażi ta’ dan il-proċess, mill-identifikazzjoni tal-vittmi sal-għotja tal-assistenza. |
3.29 |
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaqdu rwol vitali fir-riintegrazzjoni soċjali tal-vittmi potenzjali u għalhekk jistgħu jkollhom effett preventiv indirett u jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta’ iktar vittimizzazzjoni u involviment fit-traffikar tal-bnedmin. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-NGOs biex jipprovdu l-għajnuna. Flimkien mal-NGOs, l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ “hotlines” ta’ informazzjoni u sorsi oħra ta’ informazzjoni għall-gruppi f’riskju, il-persuni traffikati u l-familji tagħhom. |
3.30 |
Il-KESE jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea (4) nediet talba immirata għall-proposti fi ħdan il-programm speċifiku “Prevenzjoni ta’ u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità” bħala parti mill-programm ġenerali “Is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet”. Din għandha l-għan li ssaħħaħ il-politika tal-UE kontra t-traffikar u għandha twassal għal titjib fil-miżuri mhux leġislattivi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. F’dan ir-rigward, il-prijoritajiet stabbiliti għall-2010 jinkludu l-prevenzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi, il-prosekuzzjoni u l-investigazzjoni ta’ min jagħmel ir-reat, il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni, kif ukoll il-ġbir ta’ data affidabbli. Dan il-programm iqiegħed għad-disposizzjoni EUR 4 miljuni biex jiġu ffinanzjati 12-il proġett. Dan huwa bidu tajjeb, iżda hemm bżonn ta’ ħafna appoġġ għall-NGOs li jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom fl-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’dan ir-rigward. |
3.31 |
Il-KESE jikkunsidra li l-awtoregolamentazzjoni (pereżempju l-kodiċi ta’ kondotta), il-prattiki ta’ kummerċ ġust u l-ġestjoni tal-katina tal-provvista introdotti fl-industrija jistgħu jassiguraw li l-persuni ttraffikati ma jiġux sfurzati jaħdmu u għalhekk ma jkunux involuti fil-produzzjoni tal-prodotti u s-servizzi tal-kumpanija. Il-linji gwida dwar il-prattiki tajbin relatati mar-reklutaġġ tal-ħaddiema migranti u l-kooperazzjoni bilaterali bejn il-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ destinazzjoni fil-monitoraġġ tar-reklutaġġ u l-kondizzjonijiet ta’ xogħol tal-ħaddiema migranti huma wkoll metodi apprezzati sew biex jiġi evitat dan il-fenomenu. |
3.32 |
Peress li l-miżuri biex jitnaqqas it-traffikar ma jistgħux jiġu llimitati għall-adozzjoni ta’ strumenti leġislattivi, u peress li hemm bżonn li jiġu implimentati miżuri addizzjonali – mhux leġislattivi – bħall-kompilazzjoni u t-trasmissjoni ta’ data, il-kooperazzjoni, l-iżvilupp ta’ sħubijiet u l-iskambju tal-aħjar prattika, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ uniku u konsistenti fil-livell Ewropew. |
3.33 |
Il-KESE jappoġġja l-idea li hemm nuqqas ta’ data komparabbli fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin. Għalhekk, hemm bżonn li tinġabar data ta’ kwalità dwar dan il-fenomenu b’mod armonizzat fl-Istati Membri tal-UE permezz tat-twaqqif ta’ Rapporteurs Nazzjonali. |
3.34 |
Il-ħatra ta’ korpi nazzjonali ta’ rappurtaġġ fuq dan is-suġġett għandha ssir ir-regola, u l-mandat tagħhom speċifikat b’mod ċar. Skont id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jaħtru korpi nazzjonali ta’ rappurtaġġ jew jistabbilixxu mekkaniżmi oħra ekwivalenti. Il-KESE jikkunsidra li għandu jissemma biss tip wieħed ta’ istituzzjoni, u dan il-korp nazzjonali f’kull Stat Membru għandu jikkoordina politiki u azzjoni fil-livell reġjonali u mal-Istati Membri l-oħra, sabiex jiġu evitati diskrepanzi prinċipali bejn il-pajjiżi. |
3.35 |
Għalkemm it-traffikar tal-bnedmin huwa inkluż f’ħafna ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi (pereżempju, dan huwa kopert mis-Sħubija Strateġika bejn l-Afrika u l-Unjoni Ewropea u mis-Sħubija tal-Lvant, u huwa wkoll wieħed mill-prijoritajiet tal-ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Balkani tal-Punent), il-KESE jħoss li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin għandha ssir waħda mill-kompiti prijoritarji ta’ dawn il-ftehimiet. Għandhom jitħeġġew ftehimiet simili bejn l-UE u l-pajjiżi l-oħra. |
3.36 |
Il-KESE jinsab ħerqan biex jara azzjoni konsistenti, sodisfaċenti u deċiżiva b’riżultat tal-ftehim li ntlaħaq mill-Istati Membri dwar il-ħatra ta’ koordinatur Ewropew għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fil-livell Ewropew. |
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Dan il-perijodu ta’ riflessjoni jista’ jkun ta’ mill-inqas sitt xhur, bħalma nsibu fin-Norveġja.
(2) Ir-rapport tal-Europol tal-2009 dwar it-traffikar tal-bnedmin fl-Unjoni Ewropea juri li din l-attività tiswa bosta miljuni euro fis-sena.
(3) Dan il-perijodu ta’ riflessjoni jista’ jkun mill-inqas sitt xhur, bħalma nsibu fin-Norveġja.
(4) Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja, Ħelsien u Sigurtà, Direttorat F: Sigurtà, Unità F4: Appoġġ Finanzjarju – Sigurtà.
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/55 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv (2012)”
COM(2010) 462 finali
2011/C 51/11
Relatur: is-Sinjura HEINISCH
Korelatur: is-Sur RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO
Nhar is-7 ta' Settembru 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv (2012)
COM(2010) 462 finali.
Fl-14 ta' Settembru 2010, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-466 Sessjoni Plenarja tiegħu tal- 21 ta' Ottubru 2010 li jaħtar lis-Sinjura Renate HEINISCH bħala relatur ġenerali u lis-Sur José Isaías RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO bħala korelatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’unanimità.
1. Konklużjonijiet
1.1 |
Il-KESE jilqa’ l-proposta li s-sena 2012 tkun is-“Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv”. Madankollu, dan it-titolu u l-kunċett ta' warajh ma jirriflettux is-suġġetti li, fil-fehma tal-KESE, għandhom jiġu indirizzati f’din is-sena: it-tixjiħ għandu jkun attiv, iżda wkoll b’saħħtu, dinjituż u ferrieħi. Għalhekk, it-tixjiħ “attiv” m’għandux ifisser biss li l-persuni jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu jew jipparteċipaw fil-ħajja soċjali aktar fit-tul. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni hija mitluba tifformula titolu inqas restrittiv li jikkunsidra dawn l-aspetti l-oħra tal-kwalità tal-ħajja. |
1.2 |
L-implimentazzjoni u l-kontenut tas-Snin Ewropej kif kienu qed isiru s’issa mhumiex sodisfaċenti għalkollox. L-azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati għandhom jitfasslu b’tali mod li jkunu jidhru aktar u jkunu aktar effiċjenti mil-lat tal-kontenut. |
1.3 |
Fil-proposta attwali tal-Kummissjoni ma ġiet prevista l-ebda koordinazzjoni ċara fil-livell tal-Unjoni, għalkemm il-koordinazzjoni permezz ta' korp ċentrali u responsabbli hija essenzjali sabiex titpoġġa enfasi fuq din l-inizjattiva u tkun effettiva fit-tul. |
1.4 |
Il-koordinazzjoni ċentrali hija meħtieġa wkoll biex ikun jista’ jinħoloq baġit u jitqassmu r-riżorsi. Hawnhekk il-KESE jiddispjaċih li ma jeżistix qafas baġitarju konkret. |
1.5 |
Sabiex is-Sena Ewropea 2012 ikollha effett pożittiv, hemm bżonn li l-kunċetti ta' “tixjiħ”, “attiv”, “b’saħħtu” u “dinjituż” jiġu armonizzati madwar l-Ewropa kollha. Huwa l-fehim reċiproku ta' dawn il-prinċipji li jwassal għal miżuri komparabbli. |
1.6 |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li fl-Artikolu 5 jingħad li l-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni se jkunu assoċjati fl-attivitajiet. Il-KESE jemmen li hu stess huwa partikolarment adatt biex ikun pijunier fl-azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni u biex imexxi d-dibattiti kostruttivi bejn l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata, kif ukoll biex ikompli jxerred il-kontenut ta' dawn l-attivitajiet. Hemm il-ħsieb, b’mod partikolari, li jinħoloq osservatorju biex jevalwa dak li jkun qed jiġri fil-livell Ewropew u nazzjonali, u b’hekk jappoġġja l-proposta li tinħoloq “Alleanza Ewropea għat-Tixjiħ Attiv”, li tkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-azzjonijiet fil-livell Ewropew. Il-KESE jista’ jaqdi wkoll ir-rwol ta' “Ambaxxatur tas-Sena Ewropea”. Barra minn hekk, ikun tajjeb li ssir konferenza dwar l-aktar aspetti importanti tal-kontenut tas-Sena Ewropea, li l-konklużjonijiet tagħha jiġu inklużi f’opinjoni fuq inizjattiva proprja mħejjija mill-osservatorju. |
2. Kummenti ġenerali
2.1 |
L-isfidi tat-tibdil demografiku li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri diġà ilhom numru ta' snin jiġu diskussi fil-Kummissjoni Ewropea u fil-KESE. Fost affarijiet oħra ġew diskussi s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, il-ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien, il-kura tas-saħħa, il-kura tal-anzjani u l-kura fit-tul, il-vjolenza kontra l-anzjani, it-tagħlim tul il-ħajja, il-ħtiġijiet tal-anzjani u l-effetti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa (1). |
2.2 |
B’segwitu għall-għanijiet tal-aħħar Presidenzi tal-Kunsill, l-Istrateġija Ewropa 2020 u s-Snin Ewropej 2010 (is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali) u 2011 (is-Sena Ewropea tal-Volontarjat), tressqet il-prosposta li l-2012 tkun is-“Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv”. Il-KESE jaqbel li t-titolu tas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv, bħala titolu qasir, huwa konċiż u jinkludi, għalkemm ma jissemmiex fit-titolu, il-prinċipju tas-“solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet”. Però t-titolu qasir ma jirriflettix id-diversità tat-temi li għandhom jiġu indirizzati. |
2.3 |
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tiddefinixxi t-“tixjiħ attiv” bħala proċess li fih isir l-aħjar użu mill-opportunitajiet tas-saħħa, tal-parteċipazzjoni u tas-sigurtà sabiex tittejjeb il-kwalità ta' ħajjet il-persuni fil-proċess tat-tixjiħ (2). Din id-definizzjoni tissuġġerixxi li l-promozzjoni tat-tixjiħ attiv għandha tiffoka, l-ewwel u qabel kollox, fuq it-tixjiħ b’saħħtu u awtonomu. B’hekk, imbagħad, l-opportunitajiet tal-parteċipazzjoni tal-anzjani jkunu jistgħu jiżdiedu kemm fis-suq tax-xogħol, permezz ta' kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, kif ukoll fis-soċjetà, billi titnaqqas l-esklużjoni soċjali u permezz tax-xogħol volontarju. Barra minn dan, wieħed jista’ jitkellem fuq it-tixjiħ attiv biss jekk ikun hemm livell minimu ta' sigurtà. Għaldaqstant, il-KESE huwa konvint li titolu bħal “Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv, b’Saħħtu u Dinjituż” ikun ħafna aktar sinifikattiv. |
2.4 |
Matul it-tħejjija tal-opinjonijiet imsemmijin hawn fuq (3), il-KESE dejjem involva lid-direttorati ġenerali kkonċernati fid-diskussjonijiet tiegħu. Għalhekk, il-Kumitat jilqa’ l-pjan tal-Kummissjoni li għas-Sena Ewropea 2012 tinvolvi wkoll lil kull direttorat ġenerali kkonċernat bir-riżorsi strutturali u finanzjarji korrispondenti tiegħu, u jemmen li huwa importanti li dan isir b’mod ikkoordinat. |
2.5 |
F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ l-fatt li s-suġġett tas-Sena Ewropea 2012 kompla jiġi diskuss kemm fil-workshop “It-tixjiħ b’saħħtu: nagħtu s-setgħa lill-konsumaturi għal tixjiħ attiv” (4) kif ukoll matul it-“Tielet Forum dwar id-Demografija” (5). |
2.6 |
Il-KESE jilqa’ wkoll il-perijodu ta' tliet snin (2011 sal-bidu tal-2014) previst. Dan il-perijodu, li hu itwal mis-soltu, ser jgħin biex is-suġġett jiġi inkorporat f’kull qasam ta' politika importanti. |
2.7 |
Jilqa’ wkoll il-prijoritajiet tematiċi msemmijin fil-proposta. Iż-żidiet meħtieġa mil-lat tal-kontenut ser jissemmew f’parti 3.3, li hija dwar “Il-kontenut tal-miżuri”. |
3. Kummenti speċifiċi
3.1 Artikolu 1 –“Suġġett”
3.1.1 |
Fid-dibattitu pubbliku dwar it-tibdil demografiku, it-tixjiħ tal-popolazzjoni ilu żmien jitqies bħala piż għas-soċjetà b’mod ġenerali u għas-sistemi soċjali u tas-saħħa b’mod partikolari. Din l-istampa negattiva qed tibda tinbidel bil-mod il-mod. Il-potenzjal tal-anzjani qiegħed jitpoġġa dejjem aktar fuq quddiem u qed jiġu enfasizzati l-opportuntiajiet li toffri soċjetà li qed tixjieħ. |
3.1.2 |
Però, sabiex l-aspetti pożittivi tat-tibdil demografiku jkunu ta' vantaġġ kemm għall-anzjani kif ukoll għas-soċjetà b’mod ġenerali, huwa assolutament meħtieġ li l-ewwel in-nies ikollhom il-possibbiltà li jixjieħu b’saħħithom u fis-sigurtà. B’hekk biss ikunu jistgħu jisfruttaw b’mod attiv il-potenzjal tagħhom u jużawh għall-benefiċċju tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet. Huwa titolu bħal dak propost f’punt 2.3 li jikkunsidra dawn il-kundizzjonijiet essenzjali. |
3.1.3 |
Sabiex is-Sena Ewropea 2012 ikollha effett pożittiv, hemm bżonn li l-kunċetti ta' “tixjiħ”, “attiv”, “b’saħħtu” u “dinjituż” jiġu armonizzati madwar l-Ewropa kollha. Huwa l-fehim reċiproku ta' dawn il-prinċipji li jwassal għal miżuri komparabbli. |
3.2 Artikolu 2 –“Għanijiet”
3.2.1 |
It-tixjiħ “attiv” m’għandux ifisser biss li l-persuni jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu jew jipparteċipaw fil-ħajja soċjali aktar fit-tul permezz tax-xogħol volontarju, mingħajr ħlas. Aktar minn dan, għandhom jiġu rikonoxxuti u apprezzati l-kontributi differenti ħafna tal-anzjani għas-soċjetà b’mod ġenerali u għandha tiġi evitata l-esklużjoni soċjali. Dan jinkludi, fost affarijiet oħra, l-appoġġ finanzjarju u/jew soċjali ta' membri iżgħar tal-familja, is-servizzi tal-kura li jagħtu lis-sieħeb jew is-sieħba tagħhom u lill-ħbieb, il-kreattività intellettwali u artistika u l-kapaċità ta' innovazzjoni, il-fatt li jgħaddu l-esperjenzi u l-valuri lill-oħrajn, u ħafna aktar. Dawn l-attivitajiet kollha huma possibbli wkoll, sa ċertu punt, meta persuna jkollha limitazzjonijiet ta' saħħa jew ta' natura oħra. Meta jitwettqu f’kundizzjonijiet diffiċli ta' din ix-xorta, dawn l-attivitajiet għandhom jiġu apprezzati aktar. |
3.2.2 |
F’dan il-kuntest, il-Kumitat jilqa’ u jappoġġja l-għanijiet imsemmijin mill-Kummissjoni, jiġifieri: i) li jinħolqu kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien, ii) li tiġi promossa l-parteċipazzjoni fis-soċjetà, u iii) li jiġi appoġġjat it-tixjiħ b’saħħtu. Però huwa tal-fehma li t-tixjiħ sigur u dinjituż għandu jkun għan ieħor. |
3.2.3 |
Il-KESE jemmen ukoll li l-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-għanijiet imsemmijin huma adatti. Huwa mixtieq li jkun hemm sensiela ta' attivitajiet wara xulxin biex
|
3.3 Artikolu 3 –“Il-kontenut tal-miżuri”
3.3.1 |
Il-miżuri msemmijin fl-Artikolu 3 tal-proposta jagħmlu sens. Madankollu, huma fformulati b’mod wisq ġenerali, jixbhu l-formulazzjonijiet tas-Snin Ewropej li għaddew u huma adatti għal kwalunkwe kampanja. Huma għandhom jingħataw dimensjoni ċivika u ma jibqgħux biss qasam tal-esperti. Uħud mill-proposti li saru matul il-konsultazzjonijiet preċedenti jistgħu jwasslu għal effett akbar fost il-pubbliku. Barra minn hekk, il-KESE jipproponi li, fuq il-bażi tal-opinjonijiet preċedenti, dawn it-temi li ġejjin jiġu inklużi fid-diskussjonijiet li għad iridu jsiru:
|
3.3.2 |
Sabiex jintlaħqu l-objettivi fl-oqsma proposti jinħtieġu diversi strateġiji u azzjonijiet:
|
3.4 Artikolu 4 –“Il-koordinazzjoni mal-Istati Membri”
3.4.1 |
Sabiex l-attivitajiet nazzjonali jiġu kkoordinati b’mod adatt, huwa essenzjali li l-koordinaturi nazzjonali jinħatru fil-ħin (mhux aktar tard minn Marzu 2011). Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-korp nazzjonali ta' koordinazzjoni jinvolvi firxa wiesgħa ta' partijiet interessati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll l-organizzazzjonijiet u l-atturi ż-żgħar u jinformahom dwar il-metodi ta' applikazzjoni, il-proċeduri u l-possibbiltajiet ta' finanzjament eżistenti. |
3.5 Artikolu 5 –“Koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni”
3.5.1 |
Il-KESE japprova l-attivitajiet tal-Kummissjoni għall-koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni msemmijin f’dan l-Artikolu. Madankollu, il-KESE huwa inkwetat għaliex il-proposta attwali tal-Kummissjoni ma tinkludix koordinazzjoni ċara bejn id-direttorati ġenerali u fil-livell tal-Unjoni. Huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni permezz ta' korp ċentrali u responsabbli sabiex titpoġġa enfasi fuq l-inizjattiva kollha u tkun effettiva fit-tul. |
3.5.2 |
Barra minn hekk, hemm bżonn li jittieħdu dawn il-miżuri:
|
3.6 Artikolu 6 –“Konsistenza u komplementarjetà”
3.6.1 |
Is-suġġett tat-tixjiħ attiv, b’saħħtu u dinjituż għandu jkompli jibni fuq is-Snin Ewropej 2010 u 2011 u għandu jiġi kkunsidrat f’dan il-kuntest usa’, għaliex kemm il-ġlieda kontra l-faqar kif ukoll l-appoġġ għall-impenji volontarji huma marbuta direttament ma' tixjiħ attiv, b’saħħtu u dinjituż. |
3.7 Artikolu 7 –“Evalwazzjoni”
3.7.1 |
Il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ l-idea li jitfassal rapport fuq l-evalwazzjoni tas-Sena Ewropea sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2014. Għas-Sena Ewropea – kif ukoll għal programmi oħra – għandhom jiġu żviluppati proċeduri li jipprevedu l-waqfien tal-miżuri li ma jkunux effettivi. |
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Ara l-lista ta' opinjonijiet hawnhekk: http://www.eesc.europa.eu/sections/soc/index_en.asp
(2) “(…) as the process of optimizing opportunities for health, participation and security in order to enhance quality of life as people age”, World Health Organisation (2002) Active Ageing - A Policy Framework, p. 12.
(3) Ara l-punt 2.1 u n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.
(4) “Healthy Ageing: Consumer empowerment for active ageing”, fit-18 ta' Ottubru 2010.
(5) “Third Demography Forum”, fit-22 u t-23 ta' Novembru 2010.
(6) Ara, pereżempju, l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Qagħda tal-ħaddiema li qegħdin jikbru fl-età fil-konfront tal-bidla industrijali – nipprovdu mekkaniżmi ta' appoġġ u ta' ġestjoni tad-diversità tal-età fis-setturi u l-kumpaniji. Relatur: is-Sur Krzaklewski (ĠU C 228, 22.9.2009, p. 24).
(7) Ara, pereżempju, l-opinjoni tal-KESE tat-13.12.2006 dwar l-Attivitajiet volontarji, “ir-rwol tagħhom fis-soċjetà Ewropea u l-impatt tagħhom”, relatur: is-Sinjura Koller, korelatur: Gräfin zu Eulenburg (ĠU C 325, 30.12.2006, p. 46) (mhux disponibbli bil-Malti).
(8) Ara, pereżempju, l-opinjoni esploratorja tal-KESE tal-15.7.2010 dwar il-Konsegwenzi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fuq is-sistemi soċjali u tas-saħħa, relatur: is-Sinjura Heinisch (ĠU…).
(9) Ara, pereżempju, l-opinjoni tal-KESE tat-13.3.2008 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta' Azzjoni dwar it-Tagħlim lill-Adulti – It-tagħlim dejjem żmienu, relatur: is-Sinjura Heinisch, korelatur: is-Sinjura Le Nouail Marlière, korelatur: is-Sur Rodríguez García-Caro, (ĠU C 204, 9.8.2008, p. 89).
(10) Ara l-opinjoni msemmija fin-nota 8 f’qiegħ il-paġna.
(11) Fl-2008, l-ammont ta' anzjani (minn 65 sena ’il fuq) fir-riskju tal-faqar kien ta' 19 % fl-UE-27. Ara: http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/living_conditions_and_social_protection/data/database
(12) Ara l-opinjoni msemmija fin-nota 8 f’qiegħ il-paġna.
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/59 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati”
COM(2009) 615 finali
2011/C 51/12
Relatur: is-Sur HUVELIN
Nhar id-19 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati
COM(2009) 615 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Settembru 2010.
Minħabba t-tiġdid tal-mandat tal-Kumitat, l-Assemblea plenarja ddeċidiet li tesprimi l-pożizzjoni tagħha dwar din l-opinjoni matul is-sessjoni plenarja ta’ Ottubru u ħatret lis-Sur HUVELIN bħala relatur ġenerali, b’konformità mal-Artikolu 20 tar-Regoli ta’ Proċedura.
Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’151 vot favur, 3 voti kontra u 11-il astensjoni.
1. Daħla
1.1 Il-Kummissjoni għadha kif ippubblikat komunikazzjoni intitolata “Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati” (PPP), fid-19 ta’ Novembru 2009, fejn tippreżenta d-direzzjoni li se tagħti lill-azzjoni tagħha fil-ġejjieni.
Dan id-dokument jirrappreżenta inizjattiva rakkomandabbli u jista’ jitqies bħala riflessjoni bażika interessanti dwar il-PPP, li hija attwali ħafna fid-dawl tal-ħtieġa attwali biex jiġu mobilizzati l-investituri tas-settur pubbliku u s-settur privat, b’mod partikolari f’perijodu ta’ kriżi finanzjarja, meta fl-2009 stajna nosservaw tnaqqis kbir fl-għadd u l-volum ta’ dawn il-partenarjati. Id-dokument jelenka l-vantaġġi u l-aspetti speċifiċi tagħhom u jagħmel analiżi tar-raġunijiet li dawn l-aħħar snin setgħu xekklu l-iżvilupp tal-użu tagħhom. Iżda għandhom jitqiesu wkoll ċerti żvantaġġi potenzjalment marbutin mal-PPP u l-esperjenza ta’ ċerti operazzjonijiet li saru fil-passat (l-ispejjeż ta’ transazzjoni, il-periklu ta’ negozjati addizzjonali, it-tnaqqis fuq perijodu medju/twil tal-intensità tal-kompetizzjoni, iż-żieda fl-ispejjeż fuq perijodu twil, bi żvantaġġi fuq perijodu twil għall-klawsoli kuntrattwali (moħbija) fi ħdan kuntratti kumplessi, it-telf ta’ kontroll demokratiku) u xi problemi li jenfasizza l-Eurostat fil-linji gwida tiegħu dwar il-mod kif jiġu evitati l-istqarrijiet tad-defiċit baġitarju u l-inċentivi fittizji (biż-żieda fl-ispejjeż assoċjata ma’ dan).
B’mod partikolari, il-Kummissjoni tesprimi x-xewqa tagħha li “jinstabu toroq ġodda biex isostnu l-iżvilupp tal-PPP”. Fil-Komunikazzjoni tagħha għandhom jiżdiedu proposti għal aktar żvilupp tal-qafas istituzzjonali, li permezz tagħhom ikunu jistgħu jitnaqqsu l-problemi u l-iżvantaġġi tal-PPP.
L-argumenti favur il-PPP imsemmija fil-Komunikazzjoni huma dawn li ġejjin:
— |
inaqqsu l-ispejjeż relatati mal-infrastruttura, billi jisfruttaw l-effiċjenza ekonomika u l-potenzjal innovattiv ta’ settur privat kompetittiv; |
— |
jifirxu l-ispiża tal-finanzjament tal-infrastruttura fuq il-ħajja kollha tagħha; |
— |
itejbu l-qsim tar-riskju bejn is-settur pubbliku u s-settur privat; |
— |
jistimolaw l-isforzi għas-sostenibbiltà, l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp; |
— |
jagħtu lis-settur privat il-possibbiltà li jaqdi rwol ċentrali u ta’ tmexxija fl-iżvilupp ta’ programmi industrijali, kummerċjali u ta’ infrastruttura importanti; |
— |
fl-aħħar nett, iwessgħu s-sehem fis-suq ta’ impriżi tal-UE fil-qasam tal-akkwist pubbliku fi swieq ta’ pajjiżi terzi. |
Ta’ min ifakkar ukoll li, fil-fehma tal-Kummissjoni, il-kunċett ta’ partenarjat pubbliku-privat ikopri kemm dak li jirrigwarda l-kuntratti ta’ konċessjoni (fejn dak li jħallas huwa l-utent) kif ukoll dak li jirrigwarda l-kuntratt ta’ partenarjat pubbliku-privat, fejn dak li jħallas, b’mod sħiħ jew parzjali, huwa l-awtorità pubblika.
1.2 Il-ħames għanijiet stabbiliti mill-Kummissjoni għall-2010
Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tipproponi li:
— |
twaqqaf grupp ta’ PPP, fejn il-partijiet interessati rilevanti jkunu jistgħu jiddiskutu t-tħassib tagħhom, u tippubblika gwida biex tgħin lill-Istati Membri jtaffu l-piż amministrattiv u d-dewmien biex jiġu implimentati l-PPP; |
— |
taħdem mal-BEI biex iżżid il-fondi disponibbli għall-PPP, billi tfassal jew ittejjeb l-istrumenti finanzjarji Komunitarji f’oqsma tal-politika importanti; |
— |
tiżgura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fl-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fejn huma involuti l-finanzi tal-Komunità, skont il-ġestjoni tal-proġett, kemm privat u kemm pubbliku; |
— |
tipproponi qafas għall-innovazzjoni iktar effettiv, inkluża l-possibbiltà għall-UE li tipparteċipa f’korpi legali privati u tinvesti direttament fi proġetti speċifiċi; |
— |
tikkunsidra proposta għal strument leġislattiv fuq konċessjonijiet ta’ servizz, ibbażata fuq il-valutazzjoni tal-impatt li tinsab għaddejja bħalissa. |
1.3 Madankollu, l-analiżi tat-test tal-Kummissjoni jwassalna biex nikkunsidraw li xi aspetti inqas pożittivi osservati f’ċerti pajjiżi jew f’ċerti kuntratti ma jissemmewx. B’mod partikolari, tħallew barra xi ostakli li setgħu ġew iffaċċjati huma u jitwettqu ċerti transazzjonijiet; dawn għandhom jissemmew essenzjalment biex il-konsegwenzi tagħhom jitqiesu fil-proposti appoġġjati mill-KESE. Il-kawżi prinċipali ta’ falliment li setgħu ġew elenkati essenzjalment jinkludu:
— |
it-trasparenza insuffiċjenti f’ċerti pajjiżi jew għal ċerti kuntratti, jew fl-analiżijiet ta’ profittabbiltà, fir-rapporti ta’ prestazzjoni, eċċ., bejn l-imsieħba pubbliċi u privati, inkluż fis-sottokuntrattar lil intrapriżi oħra, li tnaqqas il-kontroll demokratiku; |
— |
inċentivi potenzjali għall-politiċi biex iwettqu wkoll PPP akkumpanjati minn żieda fl-ispejjeż, għax xi PPP li l-investiment ta’ kostruzzjoni tagħhom fil-bidu tal-kuntratt ikun ġie ffinanzjat fuq kollox b’kapital privat, il-proġetti (ta’ infrastruttura) – meta mqabbla mal-forma konvenzjonali b’finanzjament mill-baġit pubbliku – jistgħu jsiru b’mod antiċipat minħabba r-regoli baġitarji tal-Eurostat. Madankollu, fil-każ ta’ PPP fejn il-ħlas tal-operatur jiġi mill-baġit, il-finanzjament privat iżid b’mod indirett id-dejn tal-Istat. Għax bħalma jiġri għad-dejn pubbliku bi kreditu, fil-każ ta’ finanzjament privat ikun hemm obbligi ta’ ħlas li jillimitaw il-flessibbiltà futura tal-leġislatur; |
— |
in-nuqqas, f’xi sitwazzjonijiet, ta’ valutazzjoni ġenwina minn qabel li tippermetti għażla oġġettiva kemm fil-proċedura tal-PPP kif ukoll fl-għoti tal-kuntratt; |
— |
f’xi ċirkostanzi, it-tqassim tar-riskji bejn is-settur pubbliku u s-settur privat skont il-prinċipju tas-sħubija ġenwina bejn l-atturi; |
— |
fl-aħħar nett, f’xi każijiet, il-lakuni fil-monitoraġġ mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. |
Dawn il-punti kollha ġew ikkunsidrati fil-proposti tal-KESE.
1.3.1 Il-proposta tal-KESE hija bbażata fuq tliet ideat:
1.3.2 L-ewwel nett, huwa importanti li nkunu konxji li approċċ serju min-naħa tal-KESE jista’ jwassal sabiex ikollu influwenza ta’ veru fuq din il-kwistjoni importanti għall-futur tal-infrastruttura inġenerali (u b’hekk fuq it-tkabbir ekonomiku u l-amministrazzjoni pubblika), mingħajr ma ninsew li xogħolna hawnhekk huwa li nikkontribwixxu – għalkemm b’ħarsa kritika - għat-tfassil ta’ strument maħsub għall-awtoritajiet pubbliċi, li naturalment jibqgħu liberi li jiddeċiedu jekk jużawx dan l-istrument jew le.
Il-KESE beħsiebu jaqdi rwol mexxej f’din il-kwistjoni, billi jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-prattiki tajbin osservati, filwaqt li jiżgura li jitnaqqsu l-inċentivi fittizji, li jiġu identifikati u solvuti l-problemi ta’ kontroll demokratiku u soċjali kif ukoll li jiġu kkunsidrati b’mod adegwat l-effetti fuq perijodu twil tal-PPP. Għad baqa’ ħafna xi jsir sabiex l-istrument propost ikun l-aħjar wieħed possibbli.
1.3.3 B’kunsiderazzjoni tal-prattiki tajbin osservati u tal-każijiet fejn ma nkisibx suċċess, ta’ min jissuġġerixxi żidiet fid-dokument tal-Kummissjoni sabiex dan l-istrument tal-PPP tingħatalu bażi aċċettabbli fl-Istati Membri kollha, iżda wkoll sabiex jiġu kkunsidrati r-riżultati pożittivi reġistrati bħad-diffikultajiet relatati mal-implimentazzjoni tiegħu u sabiex jitfasslu l-miżuri neċessarji li permezz tagħhom dawn id-diffikultajiet ikunu jistgħu jiġu evitati fil-ġejjieni.
1.3.4 Il-KESE jitlob li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali tal-PPP issir b’tali mod li jiġu rrispettati l-liġijiet u r-regoli soċjali kollha applikabbli għall-attivitajiet konċernati (it-tfassil, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni). Għandu jkun possibbli għall-awtoritajiet responsabbli li jisħqu fuq iż-żamma tal-persunal oriġinali bl-istess kondizzjonijiet. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li l-awtoritajiet ikkonċernati mill-kuntratti tal-PPP jintegraw dawn ir-rekwiżiti soċjali fl-ispeċifikazzjonijiet tagħhom u jqisu t-tweġibiet li saru fin-negozjati mal-awtoritajiet kontraenti. L-istess għandu jgħodd għal dak kollu li huwa relatat mal-aċċessibbiltà tal-persuni b’diżabbiltà għall-infrastruttura mwettqa fil-qafas tal-PPP b’konformità mal-leġislazzjoni u r-regoli fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea.
1.3.5 Billi l-proġetti tal-PPP jużaw fondi pubbliċi u billi għandhom jirriżultaw minn deċiżjoni ħielsa tal-awtoritajiet pubbliċi, il-KESE jitlob li:
— |
il-kuntratti tal-proġetti tal-PPP jkunu aċċessibbli għall-pubbliku; |
— |
li tiġi kkunsidrata modifika tar-regoli tal-Eurostat, biex fil-qafas tal-proġetti tal-PPP il-kapital estern jiġi kkunsidrat fil-valutazzjoni taż-żamma tar-regoli bl-istess mod bħall-kapital pubbliku fi proċeduri konvenzjonali tal-finanzjament baġitarju. |
2. Pożizzjoni ekonomika u argumenti favur il-PPP fl-Ewropa
Skont BusinessEurope, bħalissa bilkemm 4 % tal-proġetti ta’ infrastruttura fid-dinja jagħmlu parti minn PPP. Ir-Renju Unit huwa l-Istat Membru li jiffirma l-aktar kuntratti ta’ partenarjati pubbliċi-privati fl-Ewropa (58 % tat-total), filwaqt li l-pajjiżi l-oħra li l-aktar jużaw l-istrument tal-PPP huma l-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall.
Peress li l-OECD stmat li l-ispejjeż annwali relatati mat-toroq, il-ferroviji, l-elettriku u l-ilma ser jilħqu t-2,5 % tal-PDG dinji sal-2030, huwa tassew importanti li l-awtoritajiet pubbliċi jimplimentaw il-forom kollha possibbli ta’ kuntratti sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-istennijiet u l-ħtiġiet tas-servizzi u l-infrastruttura pubblika: fil-konfront ta’ din il-problema, l-impatt storiku tal-kuntratti ta’ konċessjoni u ta’ PPP huwa realtà inevitabbli, u juri li l-PPP jappoġġjaw bis-sħiħ it-tkabbir ekonomiku billi jimmobilizzaw il-kompetenzi, l-enerġija u l-kapital, u barra minn hekk għandha tiġi kkunsidrata l-idea tat-tnaqqis mistenni mill-baġits għall-investiment fil-qafas tal-pjani ta’ awsterità fi kważi kull pajjiż Ewropew.
2.1 L-argumenti favur il-PPP huma ppreżentati fil-wisgħa fid-dokument tal-Kummissjoni. Madankollu, il-proġetti tal-PPP li fallew mhumiex enfasizzati fid-dokument tal-Kummissjoni. Ir-raġunijiet għal dan huma:
— |
il-PPP huma użati għal proġetti li mhumiex adatti għalihom; b’rabta ma’ dan wieħed għandu jinnota li trasferiment globali tad-diversi livelli ta’ ħolqien ta’ valur lil intrapriżi privati flimkien mal-allokazzjoni tar-riskji (l-ispejjeż) lil dawn l-intrapriżi mhux bilfors iġib miegħu vantaġġ f’termini ta’ effikaċja. Tali vantaġġ f’termini ta’ effikaċja jista’ jkun possibbli jekk jiġu rispettati għadd ta’ kondizzjonijiet (kuntest ta’ nuqqas ta’ sigurtà kbira, potenzjal għoli ta’ ottimizzazzjoni bejn il-livelli ta’ ħolqien ta’ valur, nuqqas ta’ intensità baxxa fil-kompetizzjoni, know-how fis-settur pubbliku fil-qasam tal-iżvilupp, tan-negozjar u tal-kontroll tal-kuntratt, eċċ.); |
— |
kultant intużaw xi PPP marbutin ma’ żieda fl-ispejjeż, għax skont ir-regoli baġitarji attwali tal-Eurostat, il-PPP li jkollhom investiment ta’ kostruzzjoni fil-bidu tal-kuntratti li jkunu finanzjati primarjament mill-kapital privat ikunu jistgħu jwettqu proġetti (ta’ infrastruttura) iktar malajr mill-proċedura konvenzjonali li tuża biss fondi pubbliċi. Madankollu, il-PPP fejn il-ħlas tal-operatur jiġi mill-baġit jistgħu jfissru indirettament żieda fid-dejn tal-Istat. Għax bħalma jiġri għad-dejn pubbliku bi kreditu, ċerti PPP iġibu magħhom obbligi ta’ ħlas li jillimitaw il-flessibbiltà futura tal-leġislatur fil-baġit li jmiss. It-twettiq ta’ PPP li jmur kontra l-prinċipju bażiku tal-limitazzjoni baġitarja tad-dejn pubbliku għandu jiġi rrifjutat mill-perspettiva ekonomika. Barra minn hekk, il-politiċi u partijiet oħra kkonċernati jitilfu kull interess fil-kontroll oġġettiv tal-profittabbiltà; |
— |
it-trasparenza ta’ xi kuntratti bejn l-imsieħba pubbliċi u privati, inkluż fis-sottokuntrattar, mhijiex biżżejjed; |
— |
minħabba l-fatt li t-trasparenza tal-kuntratti, tal-kontrolli ta’ profittabbiltà, tar-rapporti ta’ prestazzjoni, eċċ., hija insuffiċjenti, id-diversi problemi ta’ opportuniżmu li jirriżultaw minn dawn il-kuntratti fuq perijodu twil, kumplessi u b’possibbiltajiet ta’ prefinanzjament, ma jistgħux jiġu “ġestiti” sewwa u jkunu soġġetti għal kontroll demokratiku; |
— |
f’xi każijiet, l-assenza ta’ valutazzjoni minn qabel li tippermetti li wieħed jagħżel il-proċedura tal-PPP u l-imsieħba kuntrattwali oġġettivament; |
— |
f’xi każijiet, il-qsim tar-riskji bejn is-settur pubbliku u privat, fl-assenza ta’ sħubija reali bejn il-partijiet involuti; |
— |
u fl-aħħar, f’xi każijiet, in-nuqqas ta’ kontroll min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsegwenzi għall-baġit pubbliku u l-kwalità tal-prestazzjoni. |
Madankollu, sabiex jindirizza aħjar il-punti li jixtieq iqajjem fl-opinjoni tiegħu, il-KESE qed jadotta preżentazzjoni kemxejn differenti, li tikkunsidra ġerarkija li taf tidher aktar realistika ta’ kif jiġu kklassifikati l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-użu tal-PPP.
2.1.1 Hemm wisq tendenza li jiġi kkunsidrat li l-ewwel argument li għandu jitqies fl-għażla ta’ kuntratt ta’ PPP huwa l-argument baġitarju: filwaqt li m’għandhiex tonqos l-importanza tiegħu (dan ser jiġi diskuss aktar ’il quddiem), jidher li analiżi fil-fond u l-esperjenza miksuba fil-qasam juru li, f’termini ta’ impatt ekonomiku ġenerali, dan mhuwiex l-aktar element importanti.
L-ewwel argument li jista’ jiġġustifika l-użu ta’ PPP huwa l-ottimizzazzjoni tal-fattur taż-żmien. Dawk kollha li osservaw b’mod imparzjali u bir-reqqa l-operazzjonijiet tal-PPP jaqblu li:
— |
l-użu tal-PPP jippermetti t-tnedija ta’ tagħmir pubbliku b’rata ferm aktar mgħaġġla mill-proċeduri klassiċi. Dan il-vantaġġ taż-żmien iġib miegħu “utilità soċjali” li, għalkemm għalissa ma tistax titkejjel bil-preċiż, hija bla dubju ta’ xejn konsiderevoli. Ġeneralment, din l-utilità soċjali tissarraf f’żieda fl-attività ekonomika, li min-naħa tagħha ġġib magħha dħul ta’ taxxa, liema dħul itaffi l-piż finanzjarju tal-komunità lokali; |
— |
ħafna drabi l-fażijiet tat-tħejjija u tal-istudju jieħdu inqas żmien meta mqabbla mal-proċedura klassika ta’ akkwist pubbliku, peress li l-għażliet kollha, li jaqgħu taħt il-kompetenzi tiegħu, ikunu saru mill-klijent pubbliku; |
— |
fl-aħħar nett, l-iskadenzi tat-twettiq għandhom jiġu rrispettati aħjar, minħabba li l-kuntratturi jkollhom sens akbar ta’ responsabbiltà. |
B’hekk, it-tqassir potenzjali tal-iskadenzi għandu jitqies bħala l-akbar vantaġġ tal-kuntratti ta’ PPP, avolja kultant jista’ jidher li jinsab f’kunflitt mad-drawwiet tradizzjonali tal-klijenti tas-settur pubbliku u l-użu kważi sistematiku li jagħmlu mill-proċeduri konvenzjonali.
B’mod partikolari, f’perijodu ta’ pjani ta’ rilanċ u ta’ ħruġ mill-kriżi, il-PPP jistgħu jkunu fattur importanti biex iħaffu l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda kif ukoll strument mill-aqwa biex isaħħu r-ritmu tal-effett ta’ rilanċ mistenni sabiex ir-riżultati jitkattru.
2.1.2 It-tieni argument favur il-PPP huwa li dawn għandhom kapaċità naturali biex isaħħu l-koerenza ta’ proġett, u b’hekk jiżguraw l-akbar effiċjenza ekonomika għall-komunità lokali.
Bħalma jsemmi d-dokument tal-Kummissjoni, dan jista’ jiġi spjegat permezz tal-integrazzjoni aktar sħiħa tal-katina tal-produzzjoni, mill-fażi tat-tfassil sal-fażijiet tal-manutenzjoni u t-tħaddim, inkluż it-twettiq innifsu tal-infrastruttura kkonċernata.
F’dan il-kuntest, dawk li jfasslu l-infrastruttura jafu li jridu jottimizzaw il-proċeduri u l-kwalità tal-kostruzzjoni, peress li wara huma jkunu responsabbli għat-tħaddim tal-infrastruttura fuq tul ta’ żmien, u li għandu jħalli lill-gvern, skont it-termini tal-kuntratt, ħidma tajba li tirrispetta l-istandards u r-regoli tal-implimentazzjoni. Għaldaqstant, jadottaw approċċ naturalment integrat lejn dawn il-proġetti, ħaġa li hija ħafna aktar diffiċli biex tinkiseb meta jkun hemm tqassim riġidu tal-kompiti u r-responsabbiltajiet relatati magħhom, bħalma jiġri tipikament fil-każ tal-akkwisti pubbliċi.
2.1.3 It-tielet wieħed fost l-argumenti ewlenin li jiġġustifikaw l-użu tal-PPP huwa naturalment dak tal-finanzjament.
Wieħed iġib faċilment quddiem għajnejh il-każ ta’ persuna li tieħu d-deċiżjonijiet fis-settur pubbliku, li tieħu ħsieb il-ġestjoni ta’ baġit u li tkun konxja tal-limiti tiegħu, u li tkun qed tfittex kif tipprovdi tagħmir li jkun meħtieg mill-komunità lokali li għaliha hija responsabbli. Kuntratt ta’ PPP jista’ jkun is-soluzzjoni finanzjarja għal problema li din il-persuna taf li ma tistax issolvi fil-qafas tal-proċeduri baġitarji tagħha.
Qabel ma niddiskutu aktar ’il quddiem il-proposti li nistgħu nressqu biex inwessgħu s-soluzzjonijiet finanzjarji tal-PPP b’mod ġenerali, nistgħu, f’sitwazzjoni bħal din, neżaminaw il-limitazzjonijiet tar-regoli tal-kontabbiltà pubblika fil-pajjiżi Ewropej kważi kollha, problema li kulħadd ilu ħafna jaf biha iżda li ħadd ma azzarda jiffaċċjaha. B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni tal-impossibbiltà, skont ir-regoli tal-kontabbiltà, li l-ispiża involuta f’investiment pubbliku tinfirex fuq il-ħajja kollha tagħha.
Peress li l-finanzjament permezz ta’ kuntratt ta’ PPP jagħmilha possibbli li l-piż finanzjarju għall-komunità lokali jinqasam fuq medda normali ta’ amortizzazzjoni, mhuwiex dan l-ewwel pass lejn bidla, mixtieqa minn ħafna nies, fir-regoli tal-kontabbiltà pubblika, li jostakolaw numru dejjem akbar ta’ deċiżjonijiet u li ma jirriflettu qatt realtajiet ovvji?
Jekk tuża l-mudell tal-PPP biex tħeġġeġ it-tnedija ta’ riflessjoni politika dwar dan is-suġġett, l-Unjoni Ewropea tkun tista’ turi li qed tadotta approċċ prammatiku f’dan il-qasam. Barra minn hekk, f’ċerti pajjiżi l-introduzzjoni tal-PPP ġiet ippreżentata bħala l-ewwel pass lejn ir-riforma neċessarja tal-ġestjoni pubblika u tal-istrumenti li tuża.
2.2 Qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet ta’ politika mifruxa, il-KESE jitlob li jsir studju tal-impatt globali u evalwazzjoni indipendenti tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-proġetti tal-PPP, u li jiġu kkonsultati u vvalorizzati l-proposti tal-imsieħba soċjali, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs. F’din l-evalwazzjoni, għandhom jiġu eżaminati l-veloċità tal-proċess, il-kwistjoni tal-ispejjeż, il-kwalità tas-servizz u l-konsegwenzi soċjali għall-impjegati u l-utenti. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jibbenefikaw ukoll minn possibbiltajiet aħjar biex jieħdu sehem fil-PPP.
3. Il-linji ta’ riflessjoni tal-KESE
Dawn il-linji għandhom jibqgħu konsistenti mat-tliet argumenti li żviluppajna (skadenza - koerenza fi ħdan il-proġett – soluzzjonijiet finanzjarji) u għandhom jiddaħħlu fil-proposti tal-Kummissjoni u l-kuntest leġislattiv u regolatorju eżistenti.
Dawn il-proposti jistgħu jinġabru f’żewġ kategoriji:
— |
kategorija li tittratta l-finanzjament, b’mod ġenerali; |
— |
kategorija li tittratta l-istrutturi legali, bi sforz biex issir distinzjoni bejn:
|
Huma għandhom ukoll iqisu t-tliet ħtiġiet fundamentali għal din il-proċedura partikolari, billi japplikaw għall-proċeduri kollha tal-iffirmar tal-kuntratti pubbliċi, jiġifieri:
— |
l-evalwazzjoni minn qabel, li tippermetti l-ġustifikazzjoni kemm tat-twettiq tal-investiment propost kif ukoll l-għażla tal-proċedura li ntużat mill-awtorità kontraenti; |
— |
it-trasparenza, fil-konsultazzjoni u l-għażla inizjali u fit-twettiq tal-operazzjoni; |
— |
il-monitoraġġ, kemm min-naħa tal-awtoritajiet amministrattivi inkarigati minn din il-funzjoni kif ukoll mill-assembleji eletti, responsabbli mill-baġits. |
3.1 Fil-livell finanzjarju
F’dan il-livell, hemm erba’ linji essenzjali li għandhom jiġu enfasizzati.
3.1.1 Id-definizzjoni tal-PPP fil-proċeduri tal-Eurostat għandha tiġi riveduta b’tali mod li l-ispejjeż finanzjarji pubbliċi relatati mal-proġetti tal-PPP jibdew jiġu kkunsidrati bl-istess mod bħall-obbligi ta’ ħlas fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi konvenzjonali fid-dejn pubbliku.
3.1.2 Ir-rwol tal-fondi strutturali s’issa bilkemm inħass fil-finanzjament tal-PPP: allura mhuwiex paradoss li hemm qbil perfett bejn l-objettivi kkonċernati?
Minkejja li f’dan il-livell kien hemm xi esperjenzi li rnexxew (hemm seba’ pajjiżi li għaddew minn din l-esperjenza), wisq probabbli setgħu kienu ħafna aħjar, b’mod partikolari kieku ntuża approċċ aktar pedagoġiku mal-Istati u l-awtoritajiet pubbliċi possibbilment ikkonċernati, sabiex ikollhom perċezzjoni globali tal-PPP, bħala strument li huwa kapaċi jintuża ma’ kull tip ta’ finanzjament pubbliku, u l-ewwel nett il-finanzjament Ewropew.
3.1.3 Kif ipproponiet il-Kummissjoni, għandha ssir talba lill-BEI biex, bil-kompetenzi tiegħu, jaqdi rwol ċentrali fil-politika tal-finanzjament tal-PPP fl-Ewropa, mhux biss fi rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ parir fl-azzjonijiet li jittieħdu mill-intrapriżi f’dan il-qasam, iżda wkoll bħala akkumpanjament fil-ġbir finanzjarju, li fil-perijodi ta’ kriżi attwali jirrikjedi iktar u iktar għarfien u know-how.
F’dawn l-oqsma, il-BEI għandu l-vantaġġ doppju tal-kompetenza teknika u n-newtralità politika meħtieġa. Huwa jista’ jaqdi rwol permanenti bħala interface bejn il-korpi nazzjonali jew lokali ta’ monitoraġġ.
Dan iwassal sabiex il-BEI jintalab assistenza partikolari:
— |
fit-tkabbir mixtieq tar-rwol operattiv tal-EPEC (korp li nħoloq speċifikament fil-BEI biex jimmonitorja l-operazzjonijiet tal-PPP fl-Ewropa), li madwaru għandu jinbena l-korp pubbliku Ewropew meħtieġ għall-monitoraġġ u t-tmexxija tal-politika komuni fil-qasam tal-PPP, kif ukoll l-assistenza prattika lill-Istati Membri. L-organizzazzjoni u s-segwitu tal-għajnuna lill-awtoritajiet lokali ż-żgħar, mingħajr mezzi adegwati, għandhom jagħmlu parti mill-missjonijiet ġodda tal-EPEC; |
— |
fil-ħolqien u t-tmexxija ta’ grupp ta’ esperti privati (b’kompożizzjoni ekwa: rappreżentanti ta’ min iħaddem, tat-trejdjunjins u tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-SMEs, finanziera, ġuristi, eċċ.), li ser jikkostitwixxu interface utli mal-esperti pubbliċi li jiffurmaw l-EPEC, f’approċċ konsultattiv; |
— |
fil-monitoraġġ sistematiku tal-kuntratti kollha tal-PPP fil-livell Ewropew; |
— |
fl-aħħar nett, fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament mill-ġdid tal-PPP, li jmorru lil hinn mill-perijodu ta’ kostruzzjoni tagħhom, b’mod partikolari permezz tal-mobilizzazzjoni tas-suq tal-ishma, kif inhu propost fil-punt 3.1.4 hawn taħt. |
3.1.4 L-evalwazzjoni tal-PPP turi li fil-livell finanzjarju, il-karatteristiċi prinċipali tagħhom (perijodu fit-tul – firmatarji pubbliċi tal-ogħla kwalità) għandhom il-potenzjal li jagħmluhom strument eċċezzjonali għat-tfaddil permezz tas-suq, inkluż it-tfaddil marbut mat-tħejjija għall-pensjonijiet.
Xi pajjiżi diġà qed jaħdmu b’mod attiv biex joħolqu fond speċjalizzat jew sensiela ta’ fondi speċjalizzati, li jkollhom aċċess għas-suq finanzjarju u maħsuba għall-finanzjament mill-ġdid tal-operazzjonijiet tal-PPP wara l-perijodu ta’ kostruzzjoni (u b’hekk mingħajr ir-riskji tal-iskadenza u l-ispejjeż li jistgħu jinqalgħu). Il-ħolqien fil-livell Ewropew ta’ strument bħal dan jista’ jkun notevoli, peress li l-ġestjoni teknika tiegħu tista’ tiġi ggarantita mill-BEI, tal-inqas fil-fażi inizjali.
Madankollu, fl-istess ħin, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li bosta proġetti tal-PPP jinvolvu servizzi ta’ interess (ekonomiku) ġenerali. Lil hinn mill-kriterji purament finanzjarji, il-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-prezz tajjeb ta’ dawn is-servizzi huma fatturi li għandhom jingħataw prijorità.
3.2 Fil-livell legali u regolatorju
Il-KESE beħsiebu jaħdem għal soluzzjoni sostenibbli li fil-qafas tagħha l-PPP jiġu implimentati biss jekk iwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż - sakemm ċerti kondizzjonijiet politiċi jintlaħqu (standards soċjali, kwalità tas-servizzi, eċċ.) u jkun hemm viżjoni fit-tul li tqis l-ispejjeż tat-transazzjonijiet, in-negozjati li jsiru mill-ġdid, eċċ. Fl-istess waqt, il-prefinanzjament tal-inċentivi għandu jiġi eliminat u dan jimplika kemm huwa urġenti li ssir diskussjoni dwar ir-reviżjoni tal-kriterji tal-Eurostat. Ħarsa mill-qrib lejn il-PPP turi li l-kumplessità tagħhom, f’ċerti pajjiżi jew għal ċerti kuntratti flimkien ma’ nuqqas ta’ trasparenza (fejn jidħlu kuntratti, analiżijiet tal-vijabbiltà ekonomika, eċċ), tbiegħed lil xi wħud mill-kontroll demokratiku. Għalhekk, b’mod urġenti, il-Kummissjoni mitluba tgħarraf lill-Istati Membri dwar dawn il-problemi.
Is-sitwazzjoni preżenti tidher hawn taħt, maqsuma fi tliet kategoriji: f’dak li jeżisti bħalissa,
— |
x’għandu jinżamm? |
— |
x’għandu jinbidel? |
— |
x’għandu jiġi żviluppat? |
3.2.1
F’dan il-livell ta’ testi u ta’ liġi, ma tinstab l-ebda definizzjoni preċiża ta’ x’inhu PPP fir-rigward tal-ġabra ta’ dispożizzjonijiet li jirregolaw is-swieq pubbliċi, il-konċessjonijiet u dak kollu li jwassal għall-kostruzzjoni tal-infrastrutturi.
Fl-evalwazzjoni, u b’kunsiderazzjoni tal-esperjenza miksuba mill-ħafna pajjiżi li diġà jużaw il-PPP, jidher li dan in-nuqqas ta’ definizzjoni stretta fil-livell Ewropew m’għandux ikun problema, la għall-iżvilupp tal-operazzjonijiet u lanqas għall-monitoraġġ tagħhom mill-awtoritajiet Ewropej.
Jekk mill-fatt li l-Kummissjoni baqgħet siekta dwar dan naslu għall-konklużjoni li ma tħossx li hemm bżonn definizzjoni iktar preċiża, jidher li l-KESE jista’ u għandu jaqbel ma’ din il-fehma, li tħalli lill-Istati Membri jżommu l-kontroll tad-definizzjoni adatta għall-kuntest partikolari tagħhom u għall-użanzi tagħhom.
Din il-fehma tħalli wkoll il-mistoqsija miftuħa dwar jekk ċerti testi li qegħdin fis-seħħ għandhomx jinżammu; għandu jitfakkar li vot reċenti tal-Parlament Ewropew jirrakkomanda li fil-qasam tal-akkwist pubbliku l-ewwel għandhom jintużaw it-testi eżistenti minflok ma jsiru sforzi biex jitħejjew testijiet ġodda.
F’dan il-kuntest, il-KESE jirrakkomanda li tinżamm id-Direttiva 2004/18 li tittratta l-proċeduri tal-għoti ta’ konċessjonijiet pubbliċi, f’dan il-każ il-konċessjonijiet, mingħajr ma tiżdied b’definizzjoni tal-PPP, li r-regolazzjoni tagħhom tiddependi mill-kompetenza tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ kull Stat Membru tal-UE. Din id-Direttiva tiddefinixxi l-konċessjoni tal-kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi kif ġej: il-konċessjoni tax-xogħlijiet pubbliċi hija kuntratt bl-istess karatteristiċi bħal suq pubbliku tax-xogħlijiet, ħlief il-fatt li l-kunsiderazzjoni għax-xogħlijiet li għandhom jitwettqu tikkonsisti jew esklużivament fid-dritt għall-ġestjoni tax-xogħol jew f’dan id-dritt flimkien mal-ħlas.
Id-definizzjoni tal-konċessjoni tas-servizzi hija identika (ħlief li s-servizzi jissostitwixxu x-xogħlijiet pubbliċi) imma d-direttiva ma tipprevedi xejn fir-rigward tal-kondizzjonijiet ta’ kif jingħataw is-servizzi, filwaqt li tiddedika kapitolu sħiħ għall-proċeduri tal-għoti tal-konċessjonijiet tax-xogħlijiet pubbliċi.
Id-definizzjonijiet t’hawn fuq jevitaw apposta li jidħlu fid-dettall dwar punti li huma meqjusa bħala nazzjonali u li fil-prattika jagħmluha impossibbli li jkun hemm konverġenza f’test komuni.
Mil-lat prammatiku, il-KESE jqis li m’hemmx bżonn definizzjoni iktar dettaljata tal-idea ta’ konċessjoni (jiġifieri kuntratt fit-tul li jinkludi t-tfassil, il-kostruzzjoni, il-finanzjament, il-ġestjoni u/jew il-manutenzjoni ta’ xogħol pubbliku jew ta’ servizz pubbliku), peress li s-sitwazzjoni attwali taqdi rwol effikaċi fil-kopertura tat-tipi kollha ta’ kuntratti pubbliċi, li jkunu differenti mill-akkwisti pubbliċi klassiċi, billi jinsabu soġġetti għal minimu ta’ regoli Ewropej għall-għoti tal-kuntratti.
Il-KESE jaħseb li jkun aħjar li tiġi evitata l-leġislazzjoni f’dan il-qasam, li malajr jista’ jsir kumpless iżżejjed, iktar u iktar li attwalment il-partijiet interessati jistgħu – fl-Istati Membri kollha u skont it-tradizzjonijiet nazzjonali tagħhom – jużaw kuntratti ta’ PPP fis-sens wiesa’ tal-kelma (konċessjonijiet bi ħlas privat mill-utent, il-kuntratti ta’ partenarjati bi ħlas pubbliku, kuntratti oħra tal-partenarjat pubbliku-privat), li jwieġbu b’mod adegwat għall-problemi li jinħolqu.
3.2.2
Madankollu, rigward id-Direttiva 2004/18, il-KESE, għall-finijiet ta’ koerenza fit-testijiet użati, jipproponi li, permezz ta’ din l-opinjoni dwar il-PPP, issir diskussjoni dwar kif jistgħu jiġu ċċarati l-kondizzjonijiet tal-għoti tal-kuntratti tas-servizzi, li tabilħaqq ma jissemmewx f’din id-Direttiva, għad li din tagħti definizzjoni ċara tal-konċessjonijiet tas-servizzi.
F’dan il-kuntest, il-KESE jieħu l-opportunità biex jiċċara l-problema delikata tal-Partenarjat Pubbliku Privat Istituzzjonali (PPPI), li hija indirizzata parzjalment f’komunikazzjoni interpretattiva tal-2008 li kellha l-għan li tfakkar lill-istituzzjonijiet pubbliċi li jirrikorru għal entitajiet parastatali biex jirrispettaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni.
Fir-realtà, l-istituzzjonijiet pubbliċi jew ma jafux b’din il-Komunikazzjoni jew jagħżlu li ma jagħtux kasha. Jekk il-Kummissjoni beħsiebha taqbad it-triq li twassal għal leġislazzjoni speċifika għall-konċessjonijiet, għandha tinkludi espressament ir-regolamentazzjoni dwar il-ħolqien u t-tiġdid tal-attivitajiet tal-PPPI u ttejjeb il-liġijiet sabiex jiġu evitati l-abbużi, li l-ġurisprudenza Ewropea tagħtina ħafna eżempji tagħhom, u li kultant imorru kontra t-trasparenza mixtieqa.
3.2.3
Fl-applikazzjoni tal-proċeduri, il-KESE jirrakkomanda qafas aħjar għal tliet aspetti tal-PPP b’mod ġenerali, jiġifieri:
— |
l-evalwazzjoni minn qabel li tintuża ħafna biex tqabbel l-impatt tal-ispiża totali ta’ PPP ma’ dak ta’ proċedura ta’ akkwist pubbliku tradizzjonali; “l-analiżi komparattiva mas-settur pubbliku” hija strument tajjeb ukoll; |
— |
id-djalogu kompetittiv, fejn kultant ikun hemm nuqqasijiet f’termini ta’ etika, skadenzi u t-talbiet li jsiru fuq kumpaniji privati; |
— |
il-monitoraġġ tal-operazzjonijiet tal-PPP biex l-interess tagħhom jitkejjel bl-iktar mod preċiż possibbli u b’hekk tittejjeb l-analiżi minn qabel tal-operazzjonijiet sussegwenti. |
3.2.3.1 L-evalwazzjoni minn qabel
Din l-analiżi inizjali, li fil-prinċipju għandha tippermetti li jiġi ġġustifikat ir-rikors għal proċedura partikolari, għandha ssir ir-regola essenzjali għal dak kollu li jikkonċerna l-għoti ta’ kuntratti fis-swieq pubbliċi.
Fil-fatt, għall-awtorità kontraenti, hemm xi mezz aħjar biex tkejjel l-impatt – jew aħjar l-impatti – tad-deċiżjoni li tkun qed tħejji? L-obbligu tal-pubblikazzjoni tar-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni minn qabel, f’ħafna każijiet, ikun pass importanti lejn it-trasparenza, li hija essenzjali jekk irridu nfittxu l-aħjar soluzzjonijiet u kompetizzjoni iktar rigoruża.
Din għandha tkun okkażjoni wkoll biex bħala parti mill-ispiża globali nkejlu tajjeb l-impatt tad-differenzi potenzjali fil-finanzjament, bejn ir-rata applikabbli mis-swieq għall-entitajiet pubbliċi li jissellfu u r-rata applikabbli għall-proġett tal-PPP, filwaqt li jiġi nnotat li dan l-aspett tal-evalwazzjoni minn qabel huwa diġà obbligatorju fl-iktar pajjiżi avvanzati fil-qasam tal-PPP.
Fi Franza, l-analiżi minn qabel tiffoka fuq erba’ kriterji: l-ispiża globali, it-trasferiment tar-riskju, l-iżvilupp sostenibbli u l-prestazzjoni skont il-ftehim fil-kuntratt. Il-KESE jipproponi li dawn il-kriterji jiġu sistematizzati filwaqt li magħhom tiżdied il-pubblikazzjoni tal-kuntratti u l-applikazzjoni stretta tal-liġijiet soċjali tal-pajjiżi kkonċernati kif jissemma hawn fuq (1.3.4).
3.2.3.2 Djalogu kompetittiv
Din il-proċedura, li hija differenti minn sempliċement negozjati bilaterali li jintużaw biex jiġu ffinalizzati l-proċeduri tradizzjonali, bħalissa qed tintuża ħafna – u hija saħansitra obbligatorja f’xi pajjiżi – biex jingħataw il-kuntratti ta’ PPP b’mod ġenerali. F’din il-proċedura, wara li l-ewwel issir għażla preliminarja mill-klijent, jiġi ffinalizzat il-kuntratt finali, bi djalogu mal-imsieħeb jew iż-żewġ imsieħba magħżula, permezz ta’ rfinar u titjib suċċessiv tal-informazzjoni fil-kuntratt.
Madankollu, analiżi dettaljata tal-użu attwali tiżvela bosta fatti:
— |
b’esperjenza mill-inqas f’din il-proċedura, xi persuni pubbliċi nedew djalogi kompetittivi bi tħejjija fqira. Dan wassal għal tilwim dwar klawsoli kuntrattwali, skadenzi eċċessivament twal u talbiet lill-intrapriżi kultant eżaġerati fil-fażi finali; |
— |
l-awtoritajiet pubbliċi kontraenti kultant għad għandhom it-tentazzjoni li jużaw din il-proċedura bil-għan li jevitaw il-liġijiet tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-protezzjoni tal-ideat innovattivi. |
Naturalment, l-ideat oriġinali suppost huma mħarsa mill-kunfidenzjalità tal-offerti, iżda l-esperjenza turi li fil-fatt mhuwiex il-każ u li huwa faċli li t-tort ta’ mġiba mhux etika jiġi attribwit lil xi “leaks” li ma jistgħux jiġu identifikati.
Ċertu livell ta’ armonizzazzjoni tal-qafas kuntrattwali Komunitarju għandu jqis il-mezzi kif għandha tiġi protetta l-proprjetà intellettwali, li fiha nnifisha hija waħda mil-garanziji tal-progress u tal-innovazzjoni.
3.2.3.3 Il-monitoraġġ tal-operazzjonijiet tal-PPP
Sabiex jiġu rrispettati t-trasparenza u r-rekwiżiti tal-monitoraġġ, jeħtieġ li titħejja lista sistematika tal-operazzjonijiet tal-PPP u li jsir monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali u dak Ewropew. Dan il-kompitu, minbarra dak diġà allokat lill-BEI u lill-EPEC, għandu jiġi fdat lil organizzazzjoni newtrali li, fl-evalwazzjonijiet tagħha, ma jkollha l-ebda inċentiv li tagħti vantaġġ jew żvantaġġ lill-PPP u għalhekk dan il-kompitu jista’ jingħata lill-grupp ta’ esperti
4. Konklużjonijiet
— |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija test interessanti u attwali ħafna f’kuntest fejn hemm bżonn li jiġu mobilizzati l-investimenti pubbliċi u privati u speċjalment fil-perijodu ta’ kriżi finanzjarja li għaddejjin minnha. Il-qafas istituzzjonali għandu jiġi żviluppat sabiex il-PPP jittejbu u jiġu sfruttati l-possibbiltajiet u l-vantaġġi li jġibu magħhom, iżda wkoll biex jonqsu l-problemi li jgħaddu minnhom bosta PPP bħalma diġà ssemma f’din l-opinjoni (il-problemi tal-prefinanzjament u ż-żieda fl-ispejjeż, problemi li ħafna drabi jinqalgħu matul ir-relazzjonijiet kuntrattwali fuq perijodu twil). |
— |
Il-possibbiltajiet offruti mill-PPP bħala kontribut għall-iżvilupp tal-infrastruttura pubblika (kemm fuq skala kbira u kemm żgħira), u għaldaqstant għall-progress ekonomiku tal-Unjoni Ewropea, m’għandhomx jiġu injorati. Il-KESE jqis li huwa importanti li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jibbenefikaw huma wkoll minn possibbiltajiet aħjar biex jieħdu sehem fil-PPP. |
— |
Fir-rigward tal-PPP, l-Ewropa jmissha tattrezza ruħha bil-mezzi meħtieġa biex titgħallem mid-diffikultajiet li kultant kellha tiffaċċja fil-passat, billi ttejjeb il-mekkaniżmi tal-monitoraġġ eżistenti u billi tiġbor b’mod sistematiku r-riżultati finali tal-operazzjonijiet. |
— |
Jeżistu bosta strumenti legali Komunitarji u nazzjonali: il-KESE jqis li m’hemmx bżonn li nerġgħu nibdew mill-bidu nett biex nibnu qafas uniku u teoretikament perfett. B’hekk inkunu qed nitilfu ħafna ħin għal gwadann limitat, jew saħansitra kontraproduttiv. Il-partijiet interessati jaħdmu kuljum f’dan il-qafas legali u, jekk dan jitqiegħed fid-dubju, jispiċċa jtawwal il-proċess tal-akkwist pubbliku jew saħansitra jiddestabilizza sew il-mekkaniżmu tal-PPP. Id-definizzjonijiet attwali skont id-Direttiva 2004/18 m’għandhomx jinbidlu u lanqas jiġu miżjuda; b’hekk, kull Stat Membru jkun ħieles li jadotta definizzjoni legali li tkun iktar adatta tal-PPP għall-kuntest partikolari tiegħu u għall-prattiki tajba reġistrati. |
— |
Ejjew għalhekk nottimizzaw il-mezzi eżistenti, niċċaraw u ntejbu għadd ta’ punti, u nużaw il-kompetenzi eżistenti, l-iktar il-pjattaforma tal-finanzjament tal-BEI, u nsaħħu r-rwol tal-EPEC u tal-grupp tal-esperti; dan jista’ jikkontribwixxi biex il-metodi kuntrattwali jsiru ħafna iktar popolari, biex jinġabru, jiġu promossi u valutati l-aħjar prattiki u biex isir djalogu mas-settur privat fil-livell Ewropew bit-twaqqif ta’ grupp “mera” ta’ esperti privati. |
— |
It-tisħiħ tat-trasparenza, tal-evalwazzjoni minn qabel ibbażata fuq l-ispejjeż globali, tal-analiżi tas-suċċess u l-fallimenti, kif ukoll ir-rispett tal-leġislazzjoni, huma lkoll punti li jistgħu jiġu ttrattati fi studji futuri. |
— |
Ejjew nirriflettu dwar kif nistgħu nwaqqfu mekkaniżmu ta’ finanzjament mill-ġdid tal-PPP, wara l-fażi tal-kostruzzjoni, sabiex nisfruttaw is-suq tal-ishma, li mhux qed jintuża biżżejjed f’dan ir-rigward. |
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/67 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima”
COM(2010) 331 finali 2010/0179 (CNS)
2011/C 51/13
Relatur: is-Sur Edgardo IOZIA
Nhar l-24 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dak li għandu x’ jaqsam mal-perjodu ta’ obbligu li tiġi rispettata r-rata standard minima
COM(2010) 331 finali – 2010/0179 (CNS)
Nhar it-13 ta’ Lulju 2010, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Fid-dawl tan-natura urġenti tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċali Ewropew, ħatar lis-Sur Iozia bħala relatur ġenerali matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta’ Ottubru 2010 u adotta din l-opinjoni b’unanimità.
1. Sinteżi u kummenti tal-Kumitat
1.1 |
Il-KESE jinnota li hemm bżonn li tingħata proroga, preferibbilment għall-aħħar darba, ta’ 5 snin għall-arranġament, imsejjaħ transitorju, li ser jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010, li ilu li ġie adottat mill-1992, għall-applikazzjoni ta’ rata standard minima tal-VAT, stabbilita għal 15 %, u huwa favur l-adozzjoni tad-direttiva proposta. |
1.2 |
Effettivament, jekk il-proroga ma tingħatax jista’ jkun hemm effett ta’ distorsjoni akbar fuq it-tħaddim tas-suq intern. Diġà minn issa, id-differenza bejn l-arranġamenti differenti fir-rati standard li hemm fl-Ewropa hija ta’ 10 punti perċentwali. Din hi d-differenza bejn il-15 % ta’ Ċipru u l-Lussemburgu u l-25 % tad-Danimarka, l-Ungerija u l-Isvezja. B’mod ġust, il-Kummissjoni diġà pproponiet darbtejn li ddaħħal limitu massimu, iżda l-Kunsill ma tax il-kunsens tiegħu, peress li f’dan il-qasam it-Trattati jipprevedu l-unanimità. |
1.3 |
Il-KESE jivvaluta b’mod pożittiv ħafna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li sal-aħħar ta’ din is-sena, tniedi Green Paper dwar l-istrateġija l-ġdida għall-VAT u l-possibbiltà li wieħed jersaq progressivament lejn l-armonizzazzjoni tar-rata. Il-Kumitat jittama li jiġi kkonsultat f’ħin adatt b’mod speċifiku dwar il-Green Paper, u kemm jista’ jkun malajr jinstab arranġament kompletament armonizzat fil-qasam tat-taxxa Ewropea biex l-arranġament transitorju jiġi superat b’mod definittiv. |
1.4 |
F’ħafna mill-opinjonijiet tiegħu dwar is-suġġett, il-KESE appoġġja l-esiġenza li jinstab arranġament ta’ taxxa indiretta armonizzata, sempliċi, b’inqas piżijiet amministrattivi, b’benefiċċji ċari għall-intrapriżi u ċ-ċittadini, li jiggarantixxi taxxa ġusta u dħul għall-finanzi pubbliċi, li jnaqqas ir-riskju ta’ frodi fiskali u li jgħin biex is-suq intern jitkompla u jiżviluppa. |
1.5 |
Il-KESE huwa konxju li d-deċiżjoni li tinżamm l-unanimità fil-qasam fiskali kkompromettiet il-possibbiltà li jkun hemm approvazzjoni mgħaġġla tal-arranġament definittiv li jipprevedi tassazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini. In-nuqqas ta’ qbil dwar il-modifika fit-Trattati ser twassal għal dewmien twil fiż-żmien tat-teħid tad-deċiżjoni dwar is-suġġett. Wara tlieta u erbgħin sena mill-bidu tal-mixja lejn sistema Ewropea ta’ tassazzjoni indiretta, għadna fl-istess punt minħabba fil-prinċipju tal-unanimità. |
1.6 |
“Hija akkuża lill-Istati Membri l-fatt li t-twettiq ta’ kunċett, aċċettat fil-prinċipju tlieta u tletin sena ilu, jidher li għadu ’l bogħod daqs kemm kien dak iż-żmien. L-istorja tar-regolament dwar il-VAT fl-Ewropa hija katalogu ta’ fallimenti, li ma jistgħux jintefgħu fuq ħoġor il-Kummissjoni li ħadmet b’koerenza liema bħala u għamlet kull sforz biex tipprova tmexxi s-sitwazzjoni ’il quddiem, iżda tort tal-Istati Membri li dejjem fixklu dawn l-isforzi” (1). Dan il-kliem li l-KESE użat fl-2001 għadhom drammatikament rilevanti llum! |
1.7 |
Il-KESE jqis li ma tistax tiġi posposta l-adozzjoni ta’ sistema ġdida ta’ tassazzjoni li tiggarantixxi ġlieda effettiva kontra l-frodi fiskali, li twassal għal dħul akbar għall-Istati Membri tal-Unjoni, tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi u l-iżvilupp tas-suq intern |
2. Sfond
2.1 |
Skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kunsill irid jiddeċiedi b’unanimità fuq livell ta’ rata tal-VAT fuq il-proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta ’l-PE u ’l-KESE. |
2.2 |
Peress li l-Kummissjoni ma kellhiex l-unanimità meħtieġa kellha tagħti proroga għal mhux inqas minn erba’ darbiet fuq l-uniku riżultat li ntlaħaq b’unanimità, dak ta’ rata minima ta’ 15 % stabbilita mid-Direttiva 92/77/KEE. Il-proposti kollha li kellhom il-għan li jilħqu armonizzazzjoni definittiva fiskali ma ngħatatilhomx l-unanimità meħtieġa. |
3. Il-proposta tal-Kummissjoni
3.1 |
Fid-dawl tal-iskadenza li jmiss tal-31 ta’ Diċembru 2010 prevista mid-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni qed tipproponi proroga oħra li tistabbilixxi rata standard li ma tistax tkun anqas minn 15 % li tkun tgħodd mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2015. |
3.2 |
F’punt 9 ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni tipprevedi li tippubblika Green Paper dwar strateġija ġdida tal-VAT biex tniedi konsultazzjoni dwar il-futur tal-armonizzazzjoni fiskali. Mir-riżultat tad-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni adatta dwar il-livell tar-rata standard tal-VAT fl-UE. |
4. Kummenti tal-Kumitat
4.1 |
Fid-dawl tas-sitwazzjoni li teżisti bħalissa fis-27 Stat Membru dwar il-fiskalità, u partikolarment dwar il-qasam tal-VAT, il-Kumitat ikollu jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jħoss li hija neċessarja. |
4.2 |
Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li toħroġ Green Paper dwar is-suġġett komplessivament, bil-għan li jingħeleb b’mod definittiv l-arranġament transitorju u jinbeda proċess ta’ armonizzazzjoni fil-ġungla tar-rati, id-derogi, l-iskemi ridotti, ir-rati ta’ “parkeġġ” (parking rates) u l-leġislazzjoni kollha dwar is-suġġett, anke jekk fil-passata dan il-qasam kien iddominat mill-interessi żgħar nazzjonali, li filfatt imorru kontra s-semplifikazzjoni u t-twettiq komplet tas-suq intern. |
4.3 |
Iż-żjieda fil-frodi fiskali fil-livell Ewropew hija vvalutata għal bejn 200 u 250 biljun euro. Il-Kumitat jaqbel mal-Parlament Ewropew li hemm bżonn li l-frodi trid tiġi miġġielda b’aktar effikaċja peress li “ma taffettwax biss il-finanzjament tal-baġits tal-Istati Membri iżda wkoll il-bilanċ globali tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea, billi t-tnaqqis li jsir fir-riżorsi proprji tal-VAT irid ikun ikkumpensat minn żieda fir-riżorsi proprji mid-dħul nazzjonali gross” (2). |
4.4 |
Il-KESE jqis li għal dan il-għan hemm bżonn ta’ azzjoni kkoordinata u konverġenti tal-Istati Membri, li tippermetti li jintlaħqu objettivi differenti fl-istess ħin: semplifikazzjoni amministrattiva, żjieda fid-dħul mit-taxxa, permezz ta’ ġlieda effikaċi kontra l-evażjoni, armonizzazzjoni tar-rati, li tippermetti l-iżvilupp ta’ suq intern, mingħajr ma ħadd ma jkollu vantaġġ jew żvantaġġ kompetittiv minħabba fil-livelli tax-taxxa. |
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Opinjoni tal-KESE dwar “Titjib fit-tħaddim tal-VAT fi ħdan is-suq interm” (Improving the operation of VAT within the internal market), ĠU C 193/45,10.7.2001.(verżjoni Maltija mhux disponibbli).
(2) Reżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tal-4.12.2008 fuq proposta tad-Direttiva tal-Kunsill li tirrettifika d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa marbuta mal-operazzjonijiet intracommunitarji.
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/69 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-politika internazzjonali dwar il-klima adottata wara Kopenħagen: Naġixxu issa sabiex insaħħu l-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima”
COM(2010) 86 finali
2011/C 51/14
Relatur: is-Sur BUFFETAUT
Nhar id-9 ta' Marzu 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-politika internazzjonali dwar il-klima adottata wara Kopenħagen: Naġixxu issa sabiex insaħħu l-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima
COM(2010) 86 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Awwissu 2010.
Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta' Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’118 vot favur, 7 voti kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 |
Għall-bidu, il-Qbil ta' Kopenħagen qajjem diżappunt kbir għaliex ma ntlaħaqx ftehim ġenerali dwar il-miri u l-miżuri għall-ġlieda kontra t-tisħin globali. Meta t-test ta' dan il-ftehim jiġi kkunsidrat aktar mill-qrib, jista’ jitqies li fih xi passi ’l quddiem, mhux biss fir-rigward tal-objettiv li ż-żieda fit-temperatura ma taqbiżx iż-2 °C meta mqabbla mal-era preindustrijali, iżda wkoll għax permezz tiegħu nkiseb progress kemm fir-rigward tal-kwistjonijiet tat-trasferimenti tat-teknoloġija u tal-finanzjament tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll fir-rigward tal-ftehimiet aktar speċifiċi dwar l-użu tal-art u l-foresterija. Il-konklużjonijiet tiegħu issa jridu jkomplu jiġu żviluppati fin-negozjati li jmiss f’Cancun u l-Afrika t’Isfel. |
1.2 |
Madankollu, huwa diffiċli li wieħed iqis li dan kien suċċess għad-diplomazija tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, din għandha tistħarreġ dwar id-direzzjoni ġdida tal-istrateġija diplomatika tagħha. It-twaqqif ta' servizz diplomatiku ġdid, wara l-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, jista’ jbiddel id-data politika interna tal-Kummissjoni. Ikun xi jkun il-każ, l-impenn unilaterali li sal-2020 l-emissjonijiet tagħna jitnaqqsu b’20 %, jekk mhux bi 30 %, ma kisibx l-effett mixtieq u ma rnexxilux iwassal għal ftehim vinkolanti. Fil-fatt, għandna msieħba estremament prammatiċi li m’għandhomx fiduċja f’dak kollu li jidher bħala dikjarazzjonijiet tal-prinċipju u li eventwalment iġib miegħu regolamenti u ristrezzjonijiet, avolja l-objettiv tal-prinċipju li ż-żieda fit-temperatura tiġi limitata għal 2 °C ġie aċċettat. |
1.3 |
L-Unjoni Ewropea ma kellhiex suċċess u influwenza kbar fin-negozjati ta' Kopenħagen, kemm għaliex l-ambizzjonijiet kienu kbar wisq biex ħafna pajjiżi jilħquhom f’dan l-istadju, kif ukoll minħabba x-xettiċiżmu fost pajjiżi oħra dwar kemm jistgħu jinkisbu l-miri Ewropej. L-UE issa għandha tikkonċentra fuq il-modi konkreti kif tista’ tilħaq l-objettivi tat-tnaqqis tal-karbonju li stabbilixxiet hija stess u fl-istess ħin (u bħala parti mill-proċess) terġa’ tqajjem l-ekonomija fuq saqajha. Is-suċċess f’din l-isfida doppja jżid il-kredibbiltà tagħha u tinfluwenza n-negozjati internazzjonali. Waqt li tibqa’ leali għad-deċiżjonijiet li ħadet, b’mod partikolari fil-pakkett tal-enerġija u l-klima, l-Unjoni Ewropea għandha:
|
1.4 |
Sabiex tappoġġja l-isforzi diplomatiċi tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha timmobilizza wkoll is-soċjetà ċivili organizzata sabiex iċ-ċittadini jsiru konxji tal-bżonn li s-soċjetà tagħna timxi lejn inqas ħela ta' riżorsi naturali, aktar użu tar-riżorsi sostenibbli u attitudni personali aktar ċivika. |
2. Daħla
2.1 |
Il-konklużjoni tas-Summit ta' Kopenħagen qajmet firxa wiesgħa ta' reazzjonijiet radikalment differenti. |
2.2 |
Għal uħud mill-Istati u parteċipanti fid-dibattitu, il-Qbil ta' Kopenħagen huwa l-ewwel pass ta' inkoraġġiment, peress li ġie approvat minn bosta Stati, fosthom iċ-Ċina, l-Indja u l-Istati Uniti, u li dawn approvaw l-objettiv li ż-żieda fit-temperatura ma taqbiżx iż-2 °C meta mqabbla mal-era preindustrijali. Madankollu, xi wħud iqisu li dan il-Qbil huwa diżappuntanti ħafna billi ma fihx ftehim dettaljat dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jintlaħaq dan l-objettiv, jew dwar kif għandhom jinqasmu r-responsabbiltajiet bejn il-pajjiżi differenti. |
2.3 |
Il-livell ta' ambizzjoni u impenn nazzjonali riflessi fil-Qbil kien diżappuntanti wkoll, u dan jidher mill-fatt li l-miri volontarji nazzjonali għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta' serra li tressqu bħala risposta għall-Qbil mhumiex biżżejjed biex iż-żieda fit-temperatura ma taqbiżx iż-2 °C u huma inqas minn dak li l-UE u Stati oħra kienu qed jittamaw li jintlaħaq ftehim dwaru. |
2.4 |
Jidher ċar li l-konferenza kienet daqqa ta' ħarta kbira fil-livell diplomatiku għall-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari għall-Kummissjoni. B’mod partikolari, it-tħabbira ta' impenn unilaterali ta' tnaqqis ta' 20 %, jew saħansitra ta' 30 %, tal-emissjonijiet tas-CO2 tagħna sal-2020 ma kisbitx l-effikaċja diplomatika mistennija li tinkoraġġixxi lil pajjiżi żviluppati oħra biex jagħmlu impenji simili, u jagħmlu aktar impenji speċifiċi mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għaldaqstant, għandna bżonn neżaminaw għaliex l-istrateġija diplomatika tal-Unjoni Ewropea falliet u kif tista’ terġa’ tiġi orjentata biex taħdem aħjar. |
3. Approċċ aktar prammatiku u modest
3.1 |
Anke jekk ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina huma kkumplikati, jidher li l-Qbil ta' Kopenħagen fil-verità huwa mera tal-ftehim konkluż bejn l-Istati Uniti u l-Istati tal-grupp BASIC (il-Brażil, l-Afrika t’Isfel, l-Indja u ċ-Ċina). |
3.2 |
Minn dan, wieħed jista’ jislet għadd ta' konklużjonijiet differenti:
Jekk l-Unjoni Ewropea, li riedet tkun eżemplari f’dan ir-rigward, ma tantx donnu rnexxielha tikkonvinċi lill-bqija tad-dinja dwar l-approċċ tagħha, dan huwa aktarx għaliex strieħet wisq fuq il-kalkoli astratti tal-miri tat-tnaqqis meħtieġa minn kulħadd u fuq l-iskema tagħha għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet li għadha mhix perfetta, u għadha m’għamlitx biżżejjed mil-lat prattiku biex turi l-fattibbiltà ta' dawn il-miri billi tinvesti b’mod suffiċjenti fir-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġiji trasformattivi li huma kapaċi jġibu magħhom ekonomija ġdida b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju u aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija għaliha stess u għal oħrajn. Wieħed jittama li l-Istrateġija 2020 tkun strument utli f’dan ir-rigward. Għandna nkunu nistgħu nuru li bidla rapida lejn ekonomija b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju fl-Ewropa hija suċċess prattiku li tagħtina vantaġġ kompetittiv dejjem akbar, sakemm l-oħrajn ma jagħmlux bħalna. Dan jispira u jinfluwenza ħafna aktar lid-dinja mill-kliem ta' qtigħ il-qalb dwar il-miri eżiġenti li apparentament huma impossibbli, il-piżijiet involuti biex jintlaħqu u l-importanza morali li jinqasam il-piż. |
3.3 |
F’dan il-kuntest, jeħtieġ li ma norbtux it-tamiet kollha tagħna fil-livell internazzjonali mal-fatt li jintlaħaq ftehim finali fuq il-punti kollha qabel tmiem l-2011. Ikun aħjar li ma jkollniex ftehim finali milli jkollna wieħed b’miri mhux adegwati li jinkoraġġixxi l-kompjaċenza fil-konfront tat-theddida dejjem akbar tal-klima. Ikun aħjar li dawn il-miri mhux adegwati jiġu ppreżentati bħala miżura temporanja jew interim li hija aħjar mix-xejn, sakemm aktar tard jintlaħaq ftehim aktar adegwat b’miri aktar stretti, meta xi pajjiżi u gruppi prinċipali jkunu għamlu aktar progress lejn l-ekonomija b’livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u jkunu kapaċi jikkommettu ruħhom b’mod aktar kunfidenti għal miri aktar ambizzjużi u adegwati u jimbuttaw lill-oħrajn biex jagħmlu bħalhom. |
3.4 |
Sadanittant, il-possibbiltà li jkun għad m’hemmx ftehim ġenerali m’għandhiex iżżomm lill-komunità internazzjonali milli timxi pass pass ’il quddiem fit-triq tan-negozjati konkreti u tippromovi ftehimiet settorjali dwar il-foresti, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, it-trasferimenti tat-teknoloġiji, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji jew il-kooperazzjoni fis-settur tal-vetturi elettriċi, pereżempju. Il-Ftehim ta' Oslo ta' Mejju li għadda dwar il-foresti tropikali b’segwitu għal konferenza internazzjonali dwar il-klima u l-foresti huwa eżempju tajjeb ta' inizjattiva li rnexxiet. Dan irriżulta fi sħubija li tgħaqqad flimkien disa’ pajjiżi donaturi li huma n-Norveġja, l-Istati Uniti, Franza, il-Ġermanja, l-Isvezja, ir-Renju Unit, id-Danimarka, il-Ġappun, l-Awstralja flimkien mal-Unjoni Ewropea u madwar erbgħin pajjiż bil-foresti. Din is-sħubija l-ġdida għandha l-għan li timplimenta b’mod immedjat mekkaniżmu finanzjarju bil-għan li jgħin lill-pajjiżi jikkonservaw il-foresti tagħhom. Ġew approvati rabtiet ta' 4 biljun dollaru għall-perijodu 2010-2012. B’hekk, il-mekkaniżmu tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li jirriżultaw mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti (REDD) irċieva impetu ġdid, billi ngħata valur akbar lill-foresti. |
3.5 |
Fil-qosor dan l-approċċ jista’ jissejjaħ wieħed ta' “anqas kliem u aktar fatti” u jista’ jiġi deskritt bħala attitudni aktar modesta, mhux fl-objettivi iżda fil-mod kif dawn jiġu ppreżentati. |
3.6 |
Il-Qbil ta' Kopenħagen għandu jiġi implimentat tali kwali u jittieħed bħala punt tat-tluq sabiex tinħoloq dinamika ġenerali mingħajr l-ostaklu ta' pożizzjonijiet ideoloġiċi. Bil-kontra, għandna nipproponu proġetti konkreti u niġbru madwarna gruppi ta' pajjiżi lesti jinvestu fi proġett jew ieħor, u b’hekk inkunu nistgħu nippruvaw nevitaw li l-Ftehim ta' Kjoto jinbidel f’xi mit sagru, għalkemm irridu nkunu sensittivi għax-xewqa ta' ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw li jinżammu l-elementi prinċipali tal-approċċ ta' Kjoto. |
3.7 |
Kwistjoni kruċjali oħra, apparti dik tal-pajjiżi emerġenti, hija dik tal-pajjiżi foqra. Ma nistgħux inħalluhom jemmnu li l-iskop tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima huwa li dawn il-pajjiżi jibqgħu fi stat ta' dipendenza. Il-punti tal-pjan “ġustizzja/klima” għandhom jinżammu sabiex juru l-impenn u r-rieda tajba tal-pajjiżi għonja. |
3.8 |
F’dan ir-rigward, il-ftehim finanzjarju ta' Kopenħagen għandu jiġi rrispettat b’allokazzjoni ta' fondi ġodda. Il-kontribuzzjoni tal-UE hija stabbilita għal EUR 2,4 biljun fis-sena għall-perijodu 2010-2012. Għalhekk, jeħtieġ li dan il-finanzjament jiġi implimentat mill-aktar fis. F’dak li jirrigwarda l-Istati Uniti, jidher ċar li dawn mhumiex ser jonoraw l-impenji finanzjarji tagħhom jekk iċ-Ċina u l-Indja ma jiċċaqalqux, b’mod partikolari rigward is-sistema ta' kejl, kontroll u verifika. |
4. Biex inkunu nafu x’għandna nagħmlu, irridu nkunu nafu l-punt tat-tluq. Mela liema hija n-natura reali tal-Qbil ta' Kopenħagen, lil hinn mill-pożizzjonijiet ideoloġiċi jew politiċi?
4.1 |
Matul dawn l-aħħar 20 sena, id-diskussjonijiet internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima kienu bbażati fuq il-ħidma xjentifika tal-Grupp ta' Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) li laqqa’ xjentisti prinċipali mill-oqsma rilevanti kollha u mill-partijiet kollha tad-dinja biex janalizzaw u jivvalutaw l-evidenza relatata mat-tibdil fil-klima kkważat mill-bniedem u l-impatti tiegħu. Il-valutazzjonijiet suċċessivi mill-IPCC matul is-snin urew livell dejjem jogħla ta' kunfidenza u kunsens xjentifiku dwar ir-realtà ta' tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem u l-konsegwenzi tiegħu. |
4.2 |
Sfortunatament kien hemm xi nuqqasijiet proċedurali f’xi wħud mill-aktar ħidmiet reċenti tal-IPCC, li ntużaw mill-mezzi tax-xandir u mix-xettiċi professjonali biex jippruvaw jitfgħu dubju fuq l-evidenza u l-bżonn ta' azzjoni bikrija kontra t-tibdil fil-klima matul is-Summit ta' Kopenħagen. Jidher ċar li l-IPCC jeħtieġ itejjeb il-proċeduri tiegħu sabiex jassigura li l-ħidma tiegħu hija totalment trasparenti u li l-evidenza u l-konklużjonijiet kollha jiġu riveduti fil-fond mill-pari kif irrakkomandat mir-rapport imħejji mill-Kunsill Interakkademiku. |
4.3 |
L-ebda waħda mill-analiżi tal-IPCC ma sfidat il-konklużjonijiet fundamentali, u minkejja l-iżbalji proċedurali tiegħu, il-kunsens xjentifiku internazzjonali dwar ir-realtà tat-tibdil fil-klima u l-kawżi tiegħu jidher li qiegħed dejjem jikber. Il-gvernijiet minn madwar id-dinja kollha jinsabu konvinti minn dan il-każ bażiku u impenjaw ruħhom, bil-Qbil ta' Kopenħagen, li jżommu ż-żieda medja tat-temperatura globali ghal inqas minn 2 °C. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ dik il-konklużjoni u l-espressjoni tar-rieda politika. |
4.4 |
Il-Qbil ta' Kopenħagen jistabbilixxi wkoll qafas sabiex jiġu rreġistrati l-impenji nazzjonali favur it-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta' serra u l-pjani maħsuba sabiex jintlaħqu dawn l-impenji. Wara Kopenħagen, ħafna pajjiżi ressqu d-dettalji tal-pjani u l-impenji attwali tagħhom. Dan huwa utli bħala sinjal li qed tittieħed jew qed tiġi proposta azzjoni f’ħafna nħawi tad-dinja. Iżda l-impenji li saru s’issa ma jwasslux sabiex id-dinja żżomm iż-żieda fit-temperatura taħt iż-2 °C. Anke fl-aħjar każ, l-impenji attwali tal-pajjiżi żviluppati jistgħu jġibu magħhom biss tnaqqis ta' 18 % sal-2020, u dan lanqas biss jilħaq il-limitu baxx tal-istima tal-IPCC, li tgħid li sa dan iż-żmien jeħtieġ tnaqqis ta' bejn 25 u 40 %. Fil-fehma tal-KESE, l-UE għalhekk għandha tidħol għan-negozjati internazzjonali fuq il-bażi li l-impenji nazzjonali attwali jistgħu jitqiesu biss bħala punt tat-tluq u għandha tagħmel ħilitha biex tiċċara u ssaħħaħ l-impenji kull fejn ikun possibbli. |
4.5 |
Il-proċess tan-NU hekk kif tħaddem s’issa qiegħed fil-periklu li jdur fix-xejn. Aktarx li entitajiet oħra jew sistemi oħra ta' negozjar multilaterali jistgħu jkunu importanti għall-bidu, bħall-G20, il-ftehimiet multilaterali, eċċ., li ser ikunu jistgħu jagħtu spinta ġdida lin-negozjati tan-NU billi jipproponu sisien aktar sodi u realistiċi għan-negozjati. Dawn bl-ebda mod m’għandhom jieħdu post in-NU iżda għandhom jintużaw għat-tħejjija tal-ftehimiet fil-qafas tan-NU. Jeħtieġ li jintlaħqu ftehimiet konkreti li jiġu riflessi fil-fatti u fil-politiki, anke jekk dawn il-ftehimiet ma jkoprux għajr aspett wieħed tal-kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima jew mal-innovazzjonijiet fil-qasam tal-enerġija nadifa jew b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju. F’dan il-kuntest, l-Unjoni Ewropea jista’ jkollha rwol ewlieni x’taqdi billi tiżgura t-trasparenza tan-negozjati u tiżviluppa diplomazija attiva vis-à-vis l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi ż-żgħar. |
4.6 |
F’dan ir-rigward, hemm bżonn li jsir monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni konkreta tal-impenji li ħadu l-Istati fil-qafas tal-Qafas ta' Kopenħagen kif ukoll tal-pjan Ċiniż ta' ħames snin u ta' kull leġislazzjoni eventwali Amerikana. |
4.7 |
Dan għandu jwassal lill-Unjoni Ewropea biex teżamina mill-ġdid l-attitudni tagħha, speċjalment fejn tagħti l-impressjoni li trid timponi ftehim vinkolanti li jixbah lil dak li imponiet fuqha nnifisha. Barra minn hekk, wieħed jista’ jieqaf jaħseb dwar in-natura ta' tali ftehim. Meta wieħed jgħid ftehim vinkolanti, ikun qed jimplika l-possibbiltà li tintuża l-forza tal-liġi biex tali ftehim jiġi rrispettat, filwaqt li huwa ċar li m’għandniex il-mezzi neċessarji u li l-imsieħba tagħna ma jriduhx. Aktarx li jkun ħafna aktar adatt li wieħed jitkellem dwar ftehim li jinkludi obbligi preċiżi u kontrollabbli. |
4.8 |
Huwa ċar li għadd ta' pajjiżi kbar għadhom mhumiex lesti jaċċettaw ftehim vinkolanti dwar objettivi ġenerali. F’approċċ ta' “pass pass”, li wieħed jitkellem dwar obbligi preċiżi u kontrollabbli aktarx ikun aktar aċċettabbli għal dawn il-pajjiżi. |
4.9 |
Wisq probabbli ser ikun hemm bżonn ta' ftehimiet aktar konkreti u tekniċi għal kull settur individwali, kif ukoll ftehimiet ta' kooperazzjoni xjentifika u ta' riċerka u naturalment ftehimiet dwar it-trasferimenti tat-teknoloġija u tal-għajnuna lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, bir-rispett tas-sovranità tagħhom iżda wkoll bil-garanzija li jsir użu tajjeb mill-fondi u l-għajnuniet mogħtija. |
5. F’dan il-kuntest, kif tista’ titħejja bl-aktar mod effikaċi l-konferenza ta' Cancun?
5.1 |
Qabel kollox, l-Ewropa trid tqiegħed l-affarijiet tagħha f’posthom u turi kif tista’ ssarraf transizzjoni aktar mgħaġġla lejn soċjetà sostenibbli b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju f’suċċess ekonomiku. Bħalissa hemm il-periklu li qed tonqos l-attività fil-programmi li jespandu l-enerġija rinnovabbli u jippromovu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fis-setturi kollha u li l-industriji innovattivi ġodda tagħna f’dawn is-setturi jitilfu posthom kontra l-kompetizzjoni barranija li qed tiġi inkoraġġuta ħafna fiċ-Ċina, il-Korea ta' Isfel u pajjiżi oħra. L-Ewropa għandha bżonn miżuri aktar b’saħħithom biex jistimolaw l-industriji ewlenin tagħna b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u jġibu l-investiment li jeħtieġu biex jibqgħu f’pożizzjoni kompetittiva fid-dinja. Dan is-settur għandu jingħata appoġġ partikolari fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-programmi ta' rkupru nazzjonali. |
5.2 |
Il-Kummissarju għat-Tibdil fil-Klima u l-Ministri tal-Ambjent tal-Ġermanja, Franza u r-Renju Unit irrakkomandaw li l-UE għandha tieħu impenn unilaterali li tissikka l-miri tagħha tas-CO2 għall-2020 biex tilħaq tnaqqis ta' 30 % sa dik id-data minflok l-20 % tal-impenn attwali, l-aktar biex toħloq rieda u impenn politiċi biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa u jsir l-investiment neċessarju fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Fil-fehma tal-KESE, il-fatt li, minħabba l-kriżi ekonomika, l-emissjonijiet fl-UE naqsu drastikament mhux raġuni biżżejjed biex ikun hemm mira ogħla ta' tnaqqis, peress li l-emissjonijiet jistgħu jerġgħu jiżdiedu hekk kif tirkupra l-ekonomija. Madankollu, il-KESE jappoġġja t-tnaqqis ta' 30 % jekk il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali jippermettu dan mingħajr ma jkun hemm telf fil-kompetittività u sakemm dan ikun marbut mal-miżuri u l-investiment meħtieġa biex jintlaħaq. Fuq kollox l-UE trid issir kredibbli. Il-miri għat-tnaqqis tas-CO2 jridu jkunu kemm ambizzjużi kif ukoll segwiti bil-fatti. |
5.3 |
Fil-livell internazzjonali, jidher li huwa importanti li ssir ħidma prepratorja intensiva fi ħdan entitajiet bħall-G20, li l-membri tagħha huma responsabbli għal 90 % tal-emissjonijiet, sabiex isibu s-sisien għal ftehim minn qabel. Imbagħad, il-kisbiet diplomatiċi għandhom jintużaw fil-ħidma tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan l-approċċ għandu jkun trasparenti u għandu jinvolvi kemm jista’ jkun lill-pajjiżi l-anqas żviluppati. |
5.4 |
Imbagħad, jeħtieġ li fil-qafas tan-NU jintlaħaq proċess ta' negozjar anqas kumpless. Bħalma nafu, in-negozjati ta' Kopenħagen kienu kumplessi ħafna u seħħew f’sitt sessjonijiet, li spiss saru b’mod parallel. |
5.5 |
Huwa ta' ħtieġa assoluta li tintuża arkitettura ta' negozjar issemplifikata filwaqt li, jekk ikun hemm bżonn, tiġi abbandunata r-referenza għall-Protokoll ta' Kjoto li, fuq kollox, ikopri biss 30 % tal-emissjonijiet. Naturalment, dan għandu jiġi ppreżentat u spjegat b’mod diplomatiku u mingħajr ma tingħata l-impressjoni li l-pajjiżi ewlenin li huma responsabbli għall-emissjonijiet qed jipprovaw jeħilsu minn kull obbligu u fl-istess ħin jimponu l-obbligi fuq l-oħrajn. |
5.6 |
Jeħtieġ li ssir enfasi fuq xi elementi ewlenin: il-limitazzjoni u t-tnaqqis tal-emissjonijiet b’objettivi ċari, l-għajnuniet xjentifiċi, tekniċi u finanzjarji lill-pajjiżi l-anqas żviluppati, il-monitoraġġ tal-ftehimiet konklużi fil-passat, u l-kwistjoni partikolari tal-foresti, u dan kollu għandu jsir mingħajr ma d-diskussjoni tingħalaq f’sistemi legali kumplessi li jafu jimbuttaw lil xi wħud u jwasslu sabiex in-negozjati jfallu. |
5.7 |
Il-KESE jaqbel ukoll mal-objettivi speċifiċi ta' negozjar imsemmija fil-punti 3.2 u 3.3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: il-bini ta' qafas tal-kontabbiltà tal-emissjonijiet u tal-prestazzjoni b’saħħtu u trasparenti, il-mobilizzar tal-finanzjament li jibda malajr għall-ġejjieni qarib, is-sigurtà tal-finanzjament fit-tul għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, it-twessigħ u t-tisħiħ tas-suq internazzjonali tal-karbonju u r-riforma tal-mekkaniżmu tas-CDM li bħalissa ma jilħaqx il-miri tiegħu b’mod sodisfaċenti. |
5.8 |
Min-naħa l-oħra, il-Komunikazzjoni dwar il-politika internazzjonali dwar il-klima tinkludi proposti aktar rilevanti u realistiċi. Il-Kummissjoni tagħmel tajjeb tinsisti fuq il-bżonn li jiġi implimentat il-Qbil ta' Kopenħagen. Hija tenfasizza d-direzzjoni “sostenibbli” tal-Istrateġija Ewropa 2020 li tiddefinixxi t-tkabbir sostenibbli bħala prijorità li tinsab fil-qalba tal-viżjoni għal Ewropa li hija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, li toħloq impjiegi ekoloġiċi ġodda u li tagħti spinta soda ’l quddiem lill-effiċjenza u s-sigurtà fil-qasam tal-enerġija. |
5.9 |
Tenfasizza wkoll l-importanza li jsir progress dwar id-definizzjoni tas-sistema ta' monitoraġġ, kontroll u verifika, iżda nafu li dan il-punt sab diffikultajiet kbar matul in-negozjati, speċjalment maċ-Ċina. Għalhekk, jeħtieġ li jinstab qafas ċar li ma jidħolx f’kunflitt mas-sentiment ta' indipendenza u ta' dinjità nazzjonali. L-Unjoni Ewropea tista’ taqdi rwol billi tipproponi metodi għall-implimentazzjoni ta' strumenti ta' kejl u ta' kontroll lill-pajjiżi terzi interessati. |
5.10 |
Id-dispożizzjonijiet finanzjarji immedjati stipulati fil-Qbil ta' Kopenħagen għandhom jiġu implimentati mill-aktar fis. Dan ikun l-aħjar mod biex il-pajjiżi żviluppati jagħtu xhieda tal-bonafidi tagħhom vis-à-vis l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi skont il-ħtieġa jibbażaw fuq inizjattivi li diġà jeżistu. |
5.11 |
Fir-rigward tal-finanzjamenti fuq perijodu twil, il-Kummissjoni tqis li tista’ timmobilizza diversi tipi ta' riżorsi:
F’dan il-kuntest u minkejja d-diffikultajiet, li nżommu u nirrispettaw l-impenji finanzjarji tagħna huwa garanzija tal-fiduċja vis-à-vis l-pajjiżi terzi u b’mod speċjali l-pajjiżi foqra. Imbagħad tibqa’ l-problema iebsa ħafna tal-mod kif jiġu allokati dawn il-fondi, il-valutazzjoni tar-rilevanza ta' dawn il-proġetti u li dawn jitlestew b’suċċess. |
5.12 |
Għandu jsir sforz ikbar ukoll fir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, u fil-promozzjoni tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, imqar minħabba t-tnaqqis fir-riżorsi fossili likwidi jew tal-gass (żejt u gass). L-għan huwa li r-riżorsi jiġu allokati aħjar sabiex ikun hemm aktar effiċjenza b’tali mod li jintwera li wara d-dikjarazzjonijiet politiċi u l-leġislazzjoni, ir-riżorsi neċessarji għall-azzjoni konkreta fil-fatt qegħdin jiġu mmobilizzati. Huwa inkwetanti ħafna li proġetti futuri li huma tant essenzjali bħall-Galileo jew l-ITER qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' problemi endemiċi ta' fondi. |
5.13 |
Sabiex tappoġġja l-isforzi diplomatiċi tagħha, l-Unjoni Ewropea għandha timmobilizza wkoll is-soċjetà ċivili organizzata sabiex iċ-ċittadini jsiru konxji tal-bżonn li s-soċjetà tagħna għandha timxi lejn inqas ħela ta' riżorsi naturali, aktar użu tar-riżorsi sostenibbli u attitudni personali aktar ċivika. |
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/75 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Dwar l-Istat tal-Implimentazzjoni tal-Politika Integrata dwar il-Prodotti”
COM(2009) 693 finali
2011/C 51/15
Relatur: is-Sur ZBOŘIL
Nhar il-21 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istat tal-Implimentazzjoni tal-Politika Integrata dwar il-Prodotti
COM(2009) 693 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Lulju 2010.
Matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’unanimità.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni ta’ politika integrata dwar il-prodotti (PIP) u l-preżentazzjoni dettaljata tal-proċess ta’ implimentazzjoni tal-prinċipji tal-PIP. Ir-rapport huwa inkluż b’mod adegwat fil-kunċett usa’ tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli/Politika Industrijali Sostenibbli (Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP).
1.2 L-istrateġija bbażata fuq approċċ integrat tikkunsidra b’mod suffiċjenti l-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull Stat Membru. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-azzjoni prattika qiegħda titwettaq primarjament fil-livelli sussidjarji b’riżultat tal-interazzjoni kummerċjali bejn il-fornituri u l-konsumaturi.
1.3 Filwaqt li l-PIP tinkuldi l-kwistjoni tal-forzi tas-suq, il-KESE jemmen li għad hemm ħafna x’jista’ jsir rigward l-istrumenti tas-suq, bħat-tassazzjoni u l-inċentivi ambjentali biex titjieb l-applikabbiltà tagħhom b’mod ikkordinat. Il-KESE jipproponi li tingħata attenzjoni ikbar lill-iskambju tal-esperjenza bejn l-Istati Membri, b’enfasi partikolari fuq l-inċentivi, l-implimentazzjoni tagħhom u r-rwol tal-ftehimiet volontarji fuq perjodu twil.
1.4 Il-KESE huwa konvint li l-istandardizzazzjoni tista’ tkun ta’ vantaġġ għal għadd kbir ta’ prodotti, billi, pereżempju, ikollha effett pożittiv fuq ir-riċiklabbiltà, l-effettività u l-prestazzjoni ambjentali kif ukoll fuq fatturi oħra. L-istandardizzazzjoni taqdi rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ekodisinn u għandha tissaħħaħ fil-ġejjieni.
1.5 Il-KESE jemmen li t-tressiq lejn xulxin taż-żewġ skemi tal-EMS (l-EMAS għandha titqarreb iktar lejn l-ISO 14001) jista’ jgħin biex tiġi żgurata implimentazzjoni iktar sistematika tal-EMAS bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP.
1.6 Kwalunkwe dispożizzjoni, politika jew strument, anke għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP, għandhom jitfasslu u jiġu adottati b’mod li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent kompetittiv jew lit-tħaddim tas-suq intern u jirrispettaw il-prinċipju ta’ regolamentazzjoni aħjar u l-għan tas-sostenibbiltà. Hemm bżonn kbir li jiġi żgurat li l-politiki l-ġodda adottati għal raġunijiet prattiċi ma jirripetux u ma jidħlux f’kunflitt mal-għodod u l-politiki li diġà huma attivi fl-UE.
1.7 Il-kost-effettività hija wkoll essenzjali għas-suċċess tal-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP. L-analiżi tal-impatt inizjali għandha tiġi kompluta b’analiżi tal-effetti makro u mirkoekonomiċi, li ħafna drabi huma differenti ħafna fil-ħajja ekonomika reali.
1.8 Il-proċedura tal-valutazzjoni għandha wkoll tikkunsidra l-ktajjen tal-valur fl-iktar stadju bikri possibbli u bl-ikbar trasparenza. Il-leġislazzjoni dwar l-ekodisinn u t-tikkettar fis-seħħ m’għandhiex issir ostaklu għall-prodotti Ewropej, iżda għandha tgħin lill-prodotti Ewropej biex imorru tajjeb fis-swieq interni u dawk internazzjonali. Kwalunkwe inizjattiva, speċjalment dawk tat-tikkettar tal-prodotti, li tkun mmirata li ssaħħaħ il-bidla fil-konsum, għandu jkollha bażi soda u xjentifikament ipprovata u għandha tintuża biss fl-oqsma fejn tista’ ġġib bidla effettiva fil-mudell tal-konsum.
1.9 Il-Kumitat jixtieq jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-kunċett tal-PIP u għall-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP immirat lejn l-iżvilupp ta’ prodotti u proċessi ta’ produzzjoni iktar sostenibbli, b’koerenza mal-opinjonijiet preċedenti li l-Kumitat ħareġ dwar dan il-qasam (1). Dan l-approċċ għandu jwassal għal valur miżjud ikbar kemm għall-ambjent kif ukoll għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea.
1.10 Il-KESE huwa konvint li l-prijorità għandha tingħata lill-programmi Komunitarji eżistenti bħall-Pjan SET (Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija), il-pjan ETAP (Pjan ta’ Azzjoni għat-Teknoloġiji Ambjentali) jew l-attivitajiet tal-pjattaformi teknoloġiċi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex ikun hemm koordinazzjoni tajba u livell suffiċjenti ta’ ambizzjoni.
1.11 Koordinazzjoni mtejba bejn l-atturi involuti fir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-ekoinnovazzjoni, l-isfera ekonomika u n-negozju, iċ-ċentri tar-riċerka u l-edukazzjoni superjuri għandha tipprovdi l-innovazzjoni fis-settur, li hija assolutament kruċjali.
1.12 Jekk il-kunċett tal-PIP jiġi żviluppat b’mod iżolat mill-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP, fil-futur ikun hemm riskju ta’ inkonsistenzi u inċertezzi legali li mhumiex meħtieġa. Għalhekk il-KESE jaqbel kompletament li kull tip ta’ attività addizzjoni tal-PIP issa għandha tiġi vvalutata u mwettqa fi ħdan il-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP.
1.13 L-implimentazzjoni tal-PIP u tal-pjan ta’ azzjoni PKS/SIP trid tirrappreżenta proċess dinamiku, ibbażat fuq id-djalogu permanenti u l-kooperazzjoni bejn id-diversi partijiet interessati (mill-intrapriżi u l-politiċi sal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-NGOs impenjati favur l-ambjent), sabiex jissaħħu l-għodda għall-komunikazzjoni mal-konsumaturi, il-produzzjoni organika u l-promozzjoni tax-xiri u l-akkwist pubbliku sostenibbli.
2. Dokument tal-Kummissjoni
2.1 Nhar it-18 ta’ Ġunju 2003 il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha “Il-Politika Integrata dwar il-Prodotti – Nibnu fuq il-kunċett ta’ ċiklu tal-ħajja ambjentali” (2). Il-kunċett PIP huwa bbażat fuq l-osservazzjonijiet li ġejjin:
— |
Il-produzzjoni u l-użu tal-merkanzija u s-servizzi (jiġifieri l-prodotti) huma l-kawża tal-biċċa l-kbira tal-impatt negattiv globali fuq l-ambjent. Is-sitwazzjoni qed teħżien minħabba l-għadd dejjem jikber ta’ prodotti kkunsmati fl-UE u fid-dinja. |
— |
Il-pressjoni ambjentali u l-impatt tal-prodotti jseħħu f’diversi fażijiet taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom (fil-katina tal-produzzjoni, fl-użu u fir-rimi tal-prodotti fi tmiem-il ħajja tagħhom). Azzjonijiet biex titjieb is-sitwazzjoni għandhom jitfasslu b’mod li jiġi evitat li l-piż ambjentali jiċċaqlaq sempliċement lejn stadji oħra taċ-ċiklu tal-ħajja jew lejn żoni ġeografiċi oħra. |
— |
Minħabba l-varjetà kbira ta’ prodotti u impatti, m’hemmx għodda ta’ politika waħda li tindirizzahom kollha. Skont il-każ, għandu jinstab l-istrument politiku jew il-ġabra ta’ strumenti adegwati. Dawn għandhom jintużaw b’mod ikkoordinat, ħafna drabi f’diversi oqsma ta’ politika. |
2.2 Il-Komunikazzjoni fasslet l-objettiv tal-PIP u stabbiliet ħames “prinċipji PIP”: (1) il-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja; (2) il-ħidma mas-suq; (3) parteċipazzjoni wiesa’ mill-partijiet interessati; (4) titjib kontinwu tal-prodotti; (5) użu kkoordinat tal-istrumenti ta’ politika. Il-PIP kellu jiġi implimentat permezz ta’ tliet azzjonijiet strateġiċi:
— |
Kontribut għall-azzjonijiet ta’ politika ġenerali, b’mod partikolari l-Istrateġija tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli (3), is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (4) u l-qafas ta’ 10 snin ta’ programmi dwar il-produzzjoni u l-konsum sostenibbli (5). |
— |
Tisħiħ tal-politiki marbutin mal-prodotti permezz ta’ qafas li fih il-problemi ambjentali jistgħu jiġu kkunsidrati fid-dawl taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti. |
— |
Tisħiħ tal-koordinazzjoni u l-koerenza tal-istrumenti tal-politika tal-prodotti marbutin mal-ambjent. |
2.3 Il-prinċipji tal-PIP iddaħħlu fil-Politika globali dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli (PKS/SIP) flimkien mal-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP tal-2008 (6). B’hekk il-proċess dwar il-PIP li tnieda mill-Komunikazzjoni tkompla u tmexxa ’l quddiem.
2.4 Id-Direttiva dwar l-ekodisinn tal-prodotti li jużaw l-enerġija tintegra l-prinċipji tal-PIP fil-leġislazzjoni dwar id-disinn tal-prodotti. L-ambitu tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva ġie estiż fl-2009 għal għadd ikbar ta’ gruppi ta’ prodotti (prodotti marbutin mal-enerġija) fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP (7).
2.5 Bid-Direttiva Qafas il-ġdida dwar l-Iskart (8), għadd ta’ elementi tal-PIP saru legalment vinkolanti, b’mod partikolari l-bżonn li ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodotti jiġi kkunsidrat fl-iżvilupp tal-politika tal-iskart.
2.6 L-Istrateġiji Tematiċi dwar l-Użu Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali u l-Prevenzjoni u r-Riċiklaġġ tal-Iskart ħaddnu l-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja u talbu titjib kontinwu (9), u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ħidma mas-suq (10). L-appell tal-istrateġija dwar l-iskart għal swieq tar-riċiklaġġ b’saħħithom fl-UE huwa eżempju ta’ dan.
2.7 Malli ġiet adottata l-Komunikazzjoni dwar il-PIP, il-Kummissjoni bdiet tiżviluppa l-Pjattaforma Ewropea għall-Valutazzjoni taċ-Ċiklu tal-Ħajja (LCA), bażi tad-data Ewropea b’kontroll tal-kwalità dwar iċ-ċiklu tal-ħajja u gwida LCA.
2.8 B’mod ġenerali, sar progress konsiderevoli fl-UE fir-rigward tal-politiki tal-prodotti marbutin mal-ambjent. Madankollu, billi l-PIP hija proċess u mhux stadju finali, hemm lok għal ħafna iktar attivitajiet.
2.9 Il-kunċett jista’ wkoll jiġi applikat għat-titjib ambjentali tal-prodotti nonindustrijali u s-servizzi. L-istrumenti tal-PIP fl-ambitu tat-tassazzjoni u s-sussidji għadhom ma ġewx applikati fil-livell Komunitarju.
2.10 Huwa diffiċli li wieħed iħejji dokumentazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-PIP f’termini ta’ integrazzjoni tal-politika billi l-politiki l-ġodda rari jirreferu għall-PIP b’mod espliċitu. Madankollu, sar progress globali konsiderevoli fost l-industriji u l-mexxejja ewlenin dwar l-inklużjoni tal-kunċett taċ-ċiklu tal-ħajja. Id-disponibbiltà tad-data dwar iċ-ċiklu tal-ħajja u l-kunsens dwar il-metodoloġija għamlu pass kbir ’il quddiem ukoll. Sar progress ukoll fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-prodotti bl-ikbar potenzjal ta’ titjib kif ukoll tal-miżuri potenzjali għat-titjib.
2.11 L-informazzjoni tal-konsumatur, il-leġislazzjoni dwar l-ekodisinn, il-produzzjoni nadifa u l-akkwist pubbliku ekoloġiku issa jinsabu fil-qalba tal-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP. Il-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP qiegħed imexxi l-proċess mibdi bil-Komunikazzjoni PIP bil-għan li joħroġ il-potenzjal tas-suq għal prodotti iktar sostenibbli u jippromovi l-konsum intelliġenti. Il-Komunikazzjoni tikkonkludi li r-reviżjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni prevista għall-2012 ser tipprovdi opportunità eċċellenti biex ikompli jiġi vvalutat l-iżvilupp tal-PIP.
3. Kummenti ġenerali
3.1 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-politika integrata dwar il-prodotti (PIP) u d-dokument ta’ ħidma li jakkumpanjah fejn il-persunal tal-Kummissjoni jippreżenta fid-dettall il-proċess tal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-PIP. Din il-preżentazzjoni tkopri mhux biss l-inizjattivi u l-forma tanġibbli li dawn jieħdu fil-livell tal-Kummissjoni, iżda tinkludi wkoll paragun utli tas-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri differenti u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull waħda minnhom. Ir-rapport huwa inkluż b’mod adegwat fil-kunċett usa’ tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli (Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP).
3.2 Il-Komunikazzjoni oriġinali dwar il-PIP ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea fl-2003 kienet utli b’mod ċar biex ikun hemm dibattitu li jagħti l-frott. Hija vvalutat ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-partijiet interessati differenti bil-għan li jinkiseb l-akbar tnaqqis fl-impatt tal-prodotti fuq l-ambjent. Barra minn hekk, id-dibattitu biddel il-perċezzjonijiet dwar ul-kwistjoni kollha kemm hi. Huwa kkontribwixxa għal sforzi sostenuti biex jiġu żviluppati strumenti politiċi u legali adegwati li permezz tagħhom l-impatt tal-prodotti fuq l-ambjent ikun jista’ jitnaqqas f’kull qasam.
3.3 L-għan kien li jiġi stabbilit qafas kunċettwali bbażat fuq il-prinċipju tal-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott. Dan jista’ jgħin biex tittejjeb il-koordinazzjoni u l-konsistenza bejn l-istrumenti ta’ politika differenti li jindirizzaw l-impatt ambjentali tal-prodotti.
3.4 B’mod ġenerali, il-ħames prinċipji li fuqhom tibbaża l-PIP ġew inkorporati b’suċċess fil-ħidma tal-korpi amministrattivi u leġislattivi u tal-partijiet ikkonċernati minn din il-kwistjoni. Dawn il-prinċipji huma wkoll il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP li issa sar l-estensjoni loġika tal-proċess li nbeda bil-komunikazzjoni dwar il-PIP.
3.5 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-ħames prinċipji bażiċi kollha ġew formalizzati fid-direttivi u fid-dokumenti ta’ politika tal-UE: (1) il-ħsieb taċ-ċiklu tal-ħajja kien il-bażi għad-direttiva dwar l-ekodisinn; (2) ġew proposti l-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP u l-inċentivi biex ikun hemm kooperazzjoni akbar mas-suq fil-livell nazzjonali u Ewropew; (3) l-involviment tal-partijiet interessati, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali, iseħħ permezz ta’ sensiela ta’ inizjattivi; (4) it-titjib kontinwu tal-funzjonalità tal-prodott hija wkoll parti integrali tal-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP; u fl-aħħar nett, (5) sar titjib fil-koordinazzjoni u l-konsistenza tal-istrumenti biex ikun żgurat li jsir l-aħjar użu possibbli mis-sinerġiji possibbli pprovduti mill-approċċ integrat tal-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP.
3.6 L-istrateġija bbażata fuq approċċ integrat tikkunsidra kif xieraq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull Stat Membru u għandha l-għan li ma tħassarx l-ambjent kompetittiv tas-suq intern. Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni fil-prattika tal-prinċipji u tal-istrumenti ta’ politika qiegħda titwettaq primarjament fil-livelli sussidjarji b’riżultat tal-interazzjoni kummerċjali bejn il-fornitur u l-konsumatur. Dan għandu jiġi rifless fl-użu ta’ strumenti effettivi li huma komunament aċċettati mill-partijiet interessati.
3.7 Minkejja li l-politika integrata tal-prodott tat il-frott, u ġiet implimentata minn għadd ta’ strumenti ta’ politika tanġibbli, il-KESE jqis li issa sar iż-żmien li tingħata iktar attenzjoni lill-effokaċja tal-implimentazzjoni tal-PIP. B’mod partikolari għandhom jiġu studjati s-suċċess tal-implimentazzjoni kif ukoll l-ostakli u l-falliment biex fil-valutazzjoni tal-2012 tal-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP jiġu adottati l-miżuri korrettivi kollha neċessarji biex ikun garantit il-livell ta’ effettività meħtieġ.
3.8 Barra minn hekk, il-KESE huwa konvint li l-effetti sħaħ ta’ politiki bħal dawn, li huma orjentati lejn il-prodott, jistgħu jinkisbu biss jekk il-miżuri jiġu implimentati globalment filwaqt li jitqiesu d-differenzi ekonomiċi u kulturali kollha. Is-Sistema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (GPS), li tiffoka fuq il-ftehimiet tal-kummerċ reġjonali kif ukoll l-isforzi tal-pajjiż li qed jiżviluppaw lejn żvilupp sostenibbli, toffri eżempju tajjeb ta’ mekkaniżmu li jimplimenta b’mod effettiv il-ħames prinċipji tal-PIP fuq skala globali.
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Filwaqt li l-PIP jinkludi l-kwistjoni tal-forzi tas-suq, li hija kruċjali għas-suċċess tal-PIP u tal-istrumenti l-oħra, il-KESE jemmen li għad fadal ħafna xi jsir rigward l-użu tal-istrumenti tas-suq, bħalma huma t-tassazzjoni u l-inċentivi ambjentali, biex titjieb l-applikabbiltà tagħhom b’mod ikkordinat. Madankollu, f’din il-kwistjoni l-UE ser ikollha bla dubju rwol inqas importanti mill-Istati Membri. Sa ċertu punt, il-green paper adottata mill-Kummissjoni fl-2007 u l-konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati relevanti enfasizzaw ir-rwol tal-istrumenti tas-suq. Madankollu, il-KESE jipproponi li tingħata attenzjoni ikbar lill-iskambju tal-esperjenzi bejn l-Istati Membri, b’enfasi partikolari fuq l-inċentivi, l-implimentazzjoni tagħhom u r-rwol tal-ftehimiet volontarji fit-tul.
4.2 Il-prodotti u l-impatt ambjentali tagħhom huma marbutin mill-qrib ukoll mal-kwistjoni tal-istandardizzazzjoni. Il-KESE huwa konvint li l-istandardizzazzjoni tista’ tkun ta’ vantaġġ mhux biss għall-istandards tal-emissjonijiet tal-vetturi, iżda wkoll għal għadd kbir ta’ prodotti. Pereżempju, jista’ jkollha effett pożittiv fuq ir-riċiklabbiltà u l-prestazzjoni ambjentali tagħhom, kif ukoll fuq ħafna fatturi ambjentali oħra. Barra minn hekk, l-istandardizzazzjoni taqdi rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ekodisinn u għandha tissaħħaħ fil-ġejjieni. L-istandardizzazzjoni toffri l-vantaġġ li tippermetti l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha.
4.3 L-iskemi ta’ ġestjoni ambjentali EMAS u ISO 14001 huma strumenti opzjonali li jappoġġjaw il-kunċett tal-PIP u politiki relatati. B’mod ċar, ir-rekwiżiti amministrattivi u ta’ verifika aktar stretti tal-EMAS ma tantx iħeġġu t-tixrid fil-wisa’ tal-użu tagħha u huma projbittivi għan-negozji ta’ daqs żgħir u medju. L-ISO 14001 hija aktar użata, parzjalment minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tagħha, iżda b’mod speċjali minħabba li hija għodda aktar adatta għal kumpaniji li jaġixxu b’mod globali. Il-KESE jemmen li l-avviċinament taż-żewġ skemi jista’ jgħin biex tiġi żgurata implimentazzjoni iktar sistematika tal-EMAS bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP.
4.4 Kwalunkwe dispożizzjoni, politika jew strument, anke għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP, għandhom jitfasslu u jiġu adottati b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent kompetittiv jew lit-tħaddim tas-suq intern u li jirrispetta l-prinċipju ta’ regolamentazzjoni aħjar u l-għan tas-sostenibbiltà.
4.5 Diġà ġew implimentati għadd ta’ strumenti ta’ politika u dawn qed jagħtu riżultati li jirrappreżentaw pass pożittiv lejn konsum u produzzjoni sostenibbli fl-UE. Għalhekk jeħtieġ li jiġi żgurat li l-politiki l-ġodda adottati ma jirripetux u ma jidħlux f’kunflitt mal-għodod u l-politiki li diġà huma attivi fl-UE. Inkella l-kompetittività ekonomika tal-UE tista’ tbati b’mod sinifikanti: id-deċiżjoni finali għandha dejjem taqa’ f’idejn il-konsumatur infurmat tajjeb.
4.6 Il-KESE huwa konvint li huma biss politiki koerenti u konsistenti li jkunu ħielsa mill-burokrazija bla bzonn li jistgħu jipprovdu l-bażi għat-twaqqif ta’ qafas legali pożittiv għall-investiment fl-UE. Huwa biss fi ħdan qafas bħal dan li jistgħu jinħolqu impjiegi ġodda u jinżammu dawk li jeżistu filwaqt li titnaqqas il-pressjoni sistematika fuq l-ambjent. Il-qafas legali għas-sustanzi kimiċi u l-materjal tal-bini, kif ukoll ir-regoli għall-prodotti elettriċi u elettroniċi joħolqu l-periklu ta’ miżuri konfliġġenti. L-inċertezza legali u l-inkoerenza f’dawn il-każijiet huma konsiderevoli u għandhom jiġu ttrattati b’attenzjoni. Ir-reviżjoni li jmiss tar-REACH (11) tipprovdi opportunità eċċellenti sabiex ikun hemm sforzi għal aktar konsistenza u biex titqies il-possibbiltà li għadd ta’ miżuri jingħaqdu mal-qafas orizzontali tal-UE li għadu kif ġie adottat dwar il-kimiki.
4.7 Il-kost-effettività hija wkoll essenzjali għas-suċċess tal-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP. L-analiżi inizjali tal-impatt u l-benefiċċji għandhom jiġu kompluti bi studji tal-potenzjal kemm tal-ekonomija sħiħa kif ukoll tan-negozji individwali, peress li r-riżultati tal-analiżi makro u mirkoekonomiċi spiss huma differenti ħafna fil-ħajja ekonomika reali.
4.8 Il-proċedura ta’ valutazzjoni għandha wkoll tikkunsidra l-ktajjen ta’ valur fl-iktar stadju bikri possibbli u bl-ikbar trasparenza. Il-leġislazzjoni dwar l-ekodisinn u t-tikkettar fis-seħħ m’għandhiex issir ostakolu għall-prodotti Ewropej, f’termini ta’ kompetizzjoni minn reġjuni ekonomiċi oħra jew talba insuffiċjenti mis-suq għal prodotti aktar sostenibbli. Minflok għandha tgħin lill-prodotti Ewropej jirnexxu fis-swieq interni u internazzjonali. Kwalunkwe inizjattiva, speċjalment dawk għat-tikkettar tal-prodotti u dawk immirati li jsaħħu l-bidla fil-konsum, għandu jkollha bażi soda u xjentifikament ipprovata. It-tikkettar huwa ta’ benefiċċju limitat fil-qasam tal-prodotti minn negozju għal ieħor. Barra minn hekk, it-tikkettar tal-prodotti huwa strument wieħed li jagħti informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti għall-konsumaturi. Strumenti oħra ta’ informazzjoni, inklużi l-istandards internazzjonali, għandhom jiġu esplorati wkoll.
4.9 L-isfera ekonomika għandha tinżamm flessibbli biżżejjed biex ikun żgurat li l-iżvilupp tal-prodott huwa mmirat biex jissodisfa aħjar il-ħtiġijiet tal-konsumatur f’ambjent tas-suq definit b’mod ċar. L-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli madwar l-UE għandha sserraħ fuq approċċ volontarju mis-settur ekonomiku.
4.10 Għalhekk il-Kumitat jixtieq jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-PIP u għall-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP immirat lejn l-iżvilupp ta’ prodotti u proċessi ta’ produzzjoni iktar sostenibbli. Dan l-approċċ għandu jwassal għal valur miżjud ikbar kemm għall-ambjent kif ukoll għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Jistgħu jinfetħu swieq oħra wkoll bħala riżultat ta’ dan, kemm fl-UE kif ukoll madwar id-dinja. Dawn is-swieq ġodda għandhom ikunu kemm favorevoli għall-ekoinnovazzjoni kif ukoll effettivi, u dan ser jirrikjedi li l-fondi Komunitarji flimkien mal-investiment pubbliku nazzjonali jappoġġjaw ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-teknoloġiji sostenibbli. Għandu jiġi kkunsidrat li d-dħul mill-istrumenti finanzjari tas-CO2 jiġi dirett lejn l-investimenti fit-teknoloġiji sostenibbli.
4.11 Il-KESE huwa konvint li għalhekk għandha tingħata prijorità lill-programmi Komunitarji eżistenti bħall-Pjan SET (Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija), il-pjan ETAP (Pjan ta’ Azzjoni għat-Teknoloġiji Ambjentali) jew l-attivitajiet tal-pjattaformi teknoloġiċi. Madankollu ser jinħtieġu aktar sforzi finanzjarji biex iseħħ it-tibdil meħtieġ fis-suq. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil koordinazzjoni tajba u livell suffiċjenti ta’ ambizzjoni, b’mod speċjali fil-każ ta’ miżuri ffinanzjati mill-fondi pubbliċi pprovduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-UE.
4.12 It-Taħdita Ewropea tal-PKS dwar l-Ikel hija inizjattiva ta’ suċċess, bi presidenza konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u appoġġjata mill-Programm Ambjentali tan-NU (UNEP) u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fil-livell Ewropew jippermettilha li tieħu aproċċ taċ-ċiklu tal-ħajja armonizzat u tiffaċilita djalogu miftuħ u li jfittex ir-riżultati tul il-katina tal-ikel. L-għan hu li jiġi promoss approċċ koerenti, ibbażat fuq ix-xjenza, li jistabbilixxi l-katina tal-ikel bħala kontribut ewlieni lejn konsum u produzzjoni sostenibbli fl-Ewropa, filwaqt li jqis ukoll l-aġenda global PKS (12).
4.13 L-implimentazzjoni tal-PIP u tal-pjan ta’ azzjoni SCP/SIP trid tirrappreżenta proċess dinamiku, ibbażat fuq id-djalogu permanenti u l-kooperazzjoni bejn id-diversi partijiet interessati (mill-intrapriżi u l-politiċi sal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-NGOs impenjati favur l-ambjent), sabiex jissaħħu l-għodod għall-komunikazzjoni mal-konsumaturi, il-produzzjoni organika u l-promozzjoni tax-xiri u l-akkwist pubbliku sostenibbli.
4.14 Koordinazzjoni mtejba bejn l-atturi involuti fir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-ekoinnovazzjoni, l-isfera ekonomika u n-negozju, iċ-ċentri tar-riċerka u l-edukazzjoni superjuri għandha tipprovdi iktar mill-innovazzjoni meħtieġa fis-settur. Għandha tgħin ukoll biex ikun żgurat it-trasferiment tal-għarfien rigward id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-iżvilupp tal-għarfien u ħiliet ġodda, li mingħajrhom il-PIP ser jibqa’ biss tama fil-vojt.
4.15 Jekk il-kunċett tal-PIP jiġi żviluppat b’mod iżolat mill-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP ikun hemm riskju ta’ inkonsistenzi u inċertezzi legali li mhumiex meħtieġa. Għalhekk il-KESE jaqbel kompletament li kull tip ta’ attività addizzjonali tal-PIP issa għandha tiġi vvalutata u mwettqa fi ħdan il-Pjan ta’ Azzjoni PKS/SIP.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) ĠU C 80, 30.3.2004, p. 39-44 u ĠU C 218, 11.9.2009, p. 46.
(2) COM(2003) 302 finali.
(3) L-Istrateġija Riveduta tal-UE dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, 9.6.2006 Nru 10117/06.
(4) COM(2001) 31 finali.
(5) Ara http://www.un.org/esa/dsd/dsd_aofw_scpp/scpp_tenyearframprog.shtml.
(6) COM(2008) 397 finali.
(7) Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 21.10.2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija.
(8) Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,19.11. 2008 dwar l-iskart u li tirrevoka lil ċerti Direttivi.
(9) COM(2005) 666 finali.
(10) COM(2005) 670 finali.
(11) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi. Il-Kummissjoni għandha l-possibbiltà li tirrevedi u temenda l-annessi tar-REACH b’konformità mal-artikolu 131, filwaqt li diversi reviżjonijiet kellhom il-mandat speċifiku tal-artikolu 138 jew dispożizzjonijiet oħra tar-REACH.
(12) www.food-scp.eu.
17.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 51/80 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura”
COM(2010) 393 finali – 2009/0153 (COD)
2011/C 51/16
Relatur Ġenerali: is-Sur ESPUNY MOYANO
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, nhar it-2 ta' Settembru 2010, b'konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura
COM(2010) 393 finali – 2009/0153 (COD)
Nhar l-14 ta' Settembru 2010, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta struzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.
Minħabba n-natura urġenti tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-466 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 ta' Ottubru 2010 li jaħtar lis-Sur José Ma Espuny Moyano bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b'177 vot favur, 2 voti kontra u 10 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-Kumitat jilqa' d-definizzjoni l-ġdida u iktar preċiża tal-“faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura” ibbażata fuq ir-riżultati tal-proġett IMPASSE (azzjoni kkordinata ta' riċerka “Impatti ambjentali ta' speċi aljeni fl-akkwakultura”), bl-istess mod bħall-kjarifika dwar il-pożizzjoni ta' dawn il-faċilitajiet fir-rigward tal-ilmijiet miftuħa u titjib ieħor fit-test tar-Regolament (KE) Nru 708/2007, li jikkoinċidi b'mod ġenerali mar-rakkomandazzjonijiet tal-Opinjoni KESE 453/2010.
1.2 Il-Kumitat jemmen li dejjem sakemm jiġu adottati l-miżuri neċessarji biex tiġi evitata kull modifika tal-ekosistemi u l-bijodiversità, l-akkwakultura għandha tkun tista' tkompli tuża l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' speċi aljeni jew iċ-ċaqliq ta' speċi li ma jinstabux lokalment fl-Unjoni Ewropea, u b'hekk tiffavorixxi l-iżvilupp sostenibbli ta' din l-attività.
1.3 Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti b'mod ċar il-kundizzjonijiet li jridu jirrispettaw il-faċilitajiet tal-akkwakultura sabiex inaqqsu l-piż burokratiku tagħhom.
1.4 B'hekk il-Kumitat jappoġġja l-modifiki mwettqa fir-Regolament (KE) Nru 708/2007 bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, bil-għan aħħari li tiġi awtorizzata l-modifika tal-Annessi I, II, III u IV tal-proċedura ta' “komitoloġija”.
2. Daħla
2.1 L-akkwakultura hija attività li tinsab f'evoluzzjoni permanenti u li għandha toffri soluzzjonijiet għat-talbiet tas-suq, fosthom id-diversifikazzjoni tal-ispeċi mrobbija u mibjugħa.
2.2 Fil-passat, l-akkwakultura Ewropea, bħall-bqija tal-attivitajiet agrikoli u tat-trobbija tal-annimali, offriet lis-soċjetà l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' speċi aljeni. Bħalissa, erbgħa mill-għaxar speċi prinċipali prodotti fl-akkwakultura Ewropea jistgħu jiġu kkunsidrati bħala aljeni (it-trota qawsalla, il-gajdra tal-Paċifiku, il-karpjun komuni u l-arzella Ġappuniża), u l-preżenza tagħhom illum hija kkunsidrata abitwali u neċessarja.
2.3 Madankollu, l-introduzzjoni tal-ispeċi aljeni invażivi bħalissa hija kkunsidrata bħala waħda mill-kawżi fundamentali tal-bidla fil-bijodiversità fil-livell globali. Id-dħul ta' dawn l-ispeċi aljeni akkwatiċi fl-Unjoni Ewropea jsir prinċipalment mill-ilma tas-saborra tal-bastimenti l-kbar, mis-sajd sportiv u mill-passatemp tal-akkwarji. It-tibdil fil-klima wkoll qiegħed iwassal biex speċi aljeni jidħlu fl-ibħra Ewropej.
2.4 Ir-Regolament (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu tal-ispeċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura reċentement għadda minn xi modifiki li dwarhom il-Kumitat ħareġ l-Opinjoni CESE 453/2010 (relatur: is-Sur Salvatore), li ġiet approvata bil-maġġoranza tal-voti u li għadha tgħodd s'issa. Uħud mis-suġġerimenti li saru f'din l-opinjoni, bħall-kjarifika mitluba biex ikun ċar li l-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura dejjem iridu jkunu fuq l-art, li dejjem għandu jkun hemm distanza minima ta' sigurtà, protezzjoni mill-predaturi, eċċ., issa jinsabu miġbura fil-proposta ta' modifika (emendi tal-Artikolu 3); dan juri l-validità tar-rakkomandazzjonijiet tal-KESE.
3. Kummenti ġenerali
3.1 L-Unjoni Ewropea għandha tadotta l-qafas leġislattiv li għandu jirregola l-prattiki tal-akkwakultura f'dak li għandu x'jaqsam mal-ispeċi aljeni u li ma jistabux lokalment, kif ukoll ta' speċi assoċjati potenzjalment introdotti bi żball, kemm bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona kif ukoll minħabba fil-kontribut u s-suġġerimenti magħmula minn diversi organizzazzjonijiet, fosthom il-KESE.
3.2 L-għan ta' dan il-qafas legali għandu jkun li jimminimizza r-riskji tal-effetti negattivi għall-bijodiversità, b'mod speċjali għall-ispeċi, l-ambjent naturali u s-servizzi ekosistemiċi. Dan il-korp ta' liġijiet għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju tal-prekawzjoni, għandu jinkludi proċeduri għall-evalwazzjoni tar-riskji potenzjali u għandu jqis l-istabbiliment ta' pjani ta' kontinġenza.
3.3 L-ispeċi aljeni tal-akkwakultura li ilhom li ġew introdotti fl-Unjoni Ewropea, u li jitrabbew b'mod abitwali, għandhom jirċievu trattament differenti li jiffaċilita l-kontinwità tat-trobbija tagħhom mingħajr ma jiġu imposti fuqhom piżijiet amministrattivi addizzjonali, dejjem jekk iċ-ċaqliq tagħhom ma jġibx miegħu speċi assoċjati maqbuda bi żball.
3.4 Ir-Regolament (KE) Nru 708/2007 tal-Kunsill stabbilixxa qafas li jirregola l-użu tal-akkwakultura tal-ispeċi aljeni u ta' dawk li ma jinstabux lokalment bil-għan li jevalwa u jnaqqas l-impatt potenzjali ta' dawn l-ispeċi fuq il-ħabitats akkwatiċi.
3.5 It-tnaqqis tar-riskji ambjentali jeħtieġ l-adozzjoni ta' miżuri bħal protokolli ta' azzjoni fil-faċilitajiet riċevituri, evalwazzjonijiet minn qabel tar-riskju ambjentali u kwarantini.
3.6 Ġestjoni tajba tar-riskji fl-użu tal-ispeċi aljeni u li ma jinstabux lokalment teħtieġ li d-diversi partijiet involuti, b'mod speċjali l-Istati Membri, jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom.
3.7 Għandu jintuża l-progress fl-għarfien dwar l-użu tal-ispeċi aljeni fl-akkwakultura sabiex tittejjeb il-liġi dwar dan, b'mod speċjali l-għarfien xjentifiku ġdid miksub permezz ta' inizjattivi ta' riċerka ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, pereżempju l-proġett IMPASSE.
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Ir-Regolament (KE) Nru 708/2009 dwar l-użu tal-ispeċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura għandu jiġi adattat għad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar id-delegazzjoni tal-poteri u l-Artikolu 291 dwar il-kompetenzi ta' implimentazzjoni. Dan se jagħmel ir-Regolament tal-Kunsill Nru 708/2007 konsistenti għal kollox mal-qafas tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-ambitu tat-Trattat il-ġdid.
4.2 Il-faċilitajiet tal-akkwakultura magħluqa, billi huma sikuri u b'riskju baxx li jaħarbu l-ħut, għandhom ikomplu jkunu eżentati, fost affarijiet oħra, mill-obbligu li jwettqu evalwazzjonijiet minn qabel tal-impatt ambjentali.
4.3 Fid-dawl tal-eżenzjoinijiet li ser jibbenefikaw minnhom il-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura, id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta' sigurtà bijoloġika li jridu jirrispettaw dawn il-faċilitajiet hija partikolarment importanti.
4.4 Il-karatteristiċi mitluba mill-faċilitajiet tal-akkwakultura m'għandhomx jikkunsidraw l-ilma fejn jitrabbew il-ħut bħala l-uniku mod kif jistgħu jaħarbu l-ħut; imma b'mod partikolari għandhom jinkludu konsiderazzjonijiet dwar il-lokalità fuq l-art, is-sigurtà fir-rigward tal-predaturi u l-effetti ta' għargħar potenzjali, miżuri kontra s-serq u l-vandaliżmu, il-prevenzjoni tal-mard u l-ġestjoni tal-organiżmi mejtin.
4.5 Il-listi ta' faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi għandhom ikunu disponibbli għall-konsultazzjoni f'kull mument fl-Istati Membri kollha. Dawn il-listi għandhom jitħejjew mingħajr dewmien u għandhom jiġu aġġornati regolarment u jkunu disponibbli fuq l-Internet.
4.6 It-trasport tal-ispeċi aljeni u li ma jinstabux lokalment mill-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura huwa proċess kritiku u għalhekk għandu jsir b'mod li jimpedixxi l-ħarb tal-ħut.
4.7 Iċ-ċaqliq tal-ispeċi akkwatiċi aljeni minħabba l-kummerċ tal-annimali domestiċi, ċentri ta' ġardinaġġ, għadajjar tal-ġonna u akkwarji jirrappreżenta riskju għall-bijodiversità simili għal dak tal-akkwakultura u għalhekk għandu jkun ikkonċernat mill-istess regoli u proċeduri ta' segwitu stabbiliti għall-akkwakultura.
4.8 Għalkemm din hija kwistjoni li ma ġietx ikkunsidrata fil-modifika tar-Regolament (KE) Nru 708/2007, mhuwiex korrett li “faċilità miftuħa tal-akkwakultura” tiġi ddefinita bħala faċilità fejn l-akkwakultra ssir f'ambjent akkwatiku mhux separat mill-ambjent akkwatiku naturali minn barrieri li jimpedixxu l-ħarb tal-ħut imrobbi. Fil-faċilitajiet miftuħin tal-akkwakultura jeżistu barrieri fiżiċi li jiżguraw li l-ħut ma jaħrabx. Dak li m'għandhomx hija garanzija għolja ħafna li f'ċerti ċirkustanzi ddeterminati (maltemp, għargħar, predaturi, eċċ.) xi ħut ma jaħrabx fl-ilmijiet miftuħin.
Brussell, 21 ta’ Ottubru 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON