ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.048.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 48

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
15 ta' Frar 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-465 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010

2011/C 048/01

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-465 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010

2011/C 048/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju

2

2011/C 048/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-rwol tal-immigrazzjoni legali fil-kuntest tal-isfida demografika (Opinjoni esploratorja)

6

2011/C 048/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impjiegi ekoloġiċi

14

2011/C 048/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sitwazzjoni u l-isfidi tal-flotta tat-tonn tropikali tal-Unjoni Ewropea (Opinjoni esploratorja)

21

2011/C 048/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-kwistjoni Lejn żona Ewropea ta’ sigurtà fit-toroq: linji gwida strateġiċi għas-sigurtà fit-toroq sal-2020 (Opinjoni fuq talba tal-Parlament Ewropew)

27

2011/C 048/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Strutturi ta’ finanzjament għall-SMEs fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

33

2011/C 048/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Wara l-kriżi: sistema finanzjarja ġdida għas-suq intern (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

38

2011/C 048/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-kreattività u l-intraprenditorija: mekkaniżmi biex noħorġu mill-kriżi (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

45

2011/C 048/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Tweġiba mill-UE għat-tibdil fil-bilanċ tal-poter ekonomiku dinji (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

51

2011/C 048/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

57

2011/C 048/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Lejn Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2012 (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

65

2011/C 048/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Titjib tal-mudelli tas-sħubijiet parteċipattivi pubbliċi-privati fl-iżvilupp ta’ servizzi-e għal kulħadd fl-UE 27 (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

72

2011/C 048/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Liema servizzi ta’ interess ġenerali għandna bżonn sabiex nikkumbattu l-kriżi? (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

77

2011/C 048/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-politika l-ġdida tal-UE dwar l-enerġija: applikazzjoni, effikaċja u solidarjetà (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

81

2011/C 048/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

87

2011/C 048/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi tal-Euromed

94

2011/C 048/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-politika tal-UE dwar il-multilingwiżmu (Opinjoni addizzjonali)

102

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-465 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010

2011/C 048/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tielet reviżjoni strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea – COM(2009) 15 finali – Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni – Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea – Anness mat-tielet Reviżjoni Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar – COM(2009) 16 finali – Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni – It-tielet rapport ta’ progress dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju – COM(2009) 17 finali

107

2011/C 048/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta’ strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE – COM(2009) 512 finali

112

2011/C 048/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Green Paper dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali – COM(2009) 614 finali

120

2011/C 048/22

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka – COM(2010) 187 finali

129

2011/C 048/23

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/68/KE fir-rigward id-dispożizzjonijiet għal magni introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà – COM(2010) 362 finali – 2010/0195 (COD)

134

2011/C 048/24

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI – COM(2010) 94 finali – 2010/0064 (COD)

138

2011/C 048/25

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjarCOM(2009) 591

145

2011/C 048/26

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010 – COM(2010) 4 finali

150

2011/C 048/27

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Green Paper dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif dwarhom fl-UE: il-Preparazzjoni tal-Foresti għat-Tibdil fil-KlimaCOM(2010) 66 finali

155

2011/C 048/28

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (EURATOM) li jistabbilixxi livelli massimi permissibli ta’ kontaminazzjoni radjoattiva ta’ ikel u għalf wara inċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika (tfassil mill-ġdid) – COM(2010)184 fin – 2010/0098 (CNS)

160

2011/C 048/29

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru xxxx/2010 ta’ xxxx li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) rigward l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja – COM(2010) 336 finali – 2010/0183 (COD)

163

2011/C 048/30

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija – COM(2010) 283 finali – 2010/0150 (COD)

165

2011/C 048/31

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor – COM(2010) 381 finali – 2010/0205 (CNS)

167

2011/C 048/32

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 fir-rigward tal-projbizzjoni tas-selezzjoni kwalitattiva (highgrading) u r-restrizzjonijiet fuq is-sajd għall-barbun u l-barbun imperjali fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound – COM(2010) 325 finali – 2010/0175 (COD)

168

2011/C 048/33

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja (tfassil mill-ġdid) – COM(2010) 359 finali – 2010/0194 (COD)

169

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-465 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010

15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea”

2011/C 48/01

Matul is-sessjoni plenarja li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tas-16 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din ir-riżoluzzjoni b’151 vot favur, 22 vot kontra u 28 astensjoni.

1.

Il-Kumitat jikkundanna bil-qawwi kull azzjoni diskriminatorja kontra r-Roma jew kontra kull grupp ta’ minoranza etnika.

2.

Il-KESE dejjem ħadem favur il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali ta’ dawk kollha li jgħixu fl-Unjoni Ewropea u dejjem impenja ruħu kontra kull għamla ta’ diskriminazzjoni lejn il-minoranzi nazzjonali u kontra r-razziżmu u l-ksenofobija. Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona saħħaħ il-qafas regolatorju u politiku ta’ dawn l-isforzi, kif ukoll l-għodod maħsuba għall-implimentazzjoni tagħhom.

3.

Barra minn hekk, il-Kumitat dejjem appoġġja bis-sħiħ id-dritt għall-moviment ħieles u għas-soġġorn taċ-ċittadini Komunitarji kollha u tal-familji tagħhom, b’konformità mal-liġi Komunitarja.

4.

Il-Kumitat dejjem ħeġġeġ bis-sħiħ politiki attivi ta’ inklużjoni soċjali favur il-minoranzi u l-migranti, u b’mod partikolari favur ir-Roma.

5.

Il-KESE jixtieq ukoll jesprimi l-impenn tiegħu favur il-prinċipju tal-istat tad-dritt, li jsostni li r-responsabbiltà ta’ kull att, inklużi l-atti kriminali, għandha dejjem tibqa’ waħda individwali.

6.

Għaldaqstant, il-KESE, għad li huwa konxju li l-problemi marbuta mal-integrazzjoni tar-Roma jinsabu l-ewwel nett fil-livell tal-Istati Membri kkonċernati, jenfasizza r-responsabbiltà tal-UE fuq il-bażi tat-Trattat il-ġdid, u l-ħtieġa li tinstab tweġiba fil-livell tal-UE, kemm biex tingħata kunsiderazzjoni lill-ispefiċitajiet tal-popolazzjonijiet Roma kif ukoll biex jiġi żgurat trattament ugwali fit-territorju kollu tal-Unjoni.

7.

Il-Kumitat jappella b’mod attiv favur l-integrazzjoni ekonomika u soċjali tal-popolazzjoni Rom, bħalma huwa favur dik tal-minoranzi u l-migranti l-oħra, u jipproponi lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea jwaqqfu strateġija globali u konvinċenti vis-à-vis l-Istati Membri sabiex titwettaq integrazzjoni ġenwina msejsa fuq id-drittijiet u l-obbligi komuni għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Din l-istrateġija għandha titfassal b’mod parteċipattiv permezz tal-involviment tal-komunitajiet Roma u għandha tiġi appoġġjata minn fondi sostanzjali u adegwati għall-isfidi kbar inkwistjoni.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Martin WESTLAKE


OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-465 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010

15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/2


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju”

2011/C 48/02

Relatur: is-Sur BARABÁS

Korelatur: is-Sur MANOLIU

Nhar is-26 ta’ Frar 2010, is-Sur Šefčovič, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Lulju 2010. Ir-relatur kien is-Sur Barabás, u l-korelatur kien is-Sur Manoliu.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tas-16 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’123 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Din l-opinjoni tal-KESE għandha l-għan li tieħu l-opportunità offruta mill-Kummissjoni Ewropea biex is-soċjetà ċivili organizzata Ewropea tħejji r-rakkomandazzjonijiet prattiċi u konkreti bħala kontribut għall-pjan ta’ azzjoni relatat mal-Istrateġija għad-Danubju (1) li qiegħed jitħejja bħalissa. Il-KESE jispera li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jesprimu b’mod adegwat l-impenn u l-appoġġ qawwi tal-Kumitat kif ukoll tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea għall-Istrateġija. Il-KESE jistenna li l-Istrateġija tal-futur tkun kontribut ġenwin biex jitjiebu l-kondizzjonijiet ta’ għixien u ta’ xogħol taċ-ċittadini kollha fir-reġjun tad-Danubju, li huma meqjus mill-Kumitat bħala l-mera tal-Ewropa.

1.2   Fil-livell politiku, l-Istrateġija għad-Danubju ppjanata:

1.2.1

għandha tkun miftuħa, inklużiva, sensittiva għall-aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali, tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u tibbaża fuq l-esperjenzi;

1.2.2

minħabba l-kumplessità u l-interdipendenza tal-kwistjonijiet rilevanti, tista’ twassal għal riżultati biss jekk b’mod sistematiku ssegwi approċċ integrat minflok tadotta approċċ skont is-settur u jekk tenfasizza l-bżonn li jintlaħqu l-objettivi tal-partijiet interessati rilevanti;

1.2.3

għandha tqis u tfittex li tistimula l-kooperazzjoni f’oqsma ta’ “sigurtà moderata”, bħas-servizzi ta’ emerġenza li jaħdmu flimkien meta ffaċċjati b’diżastri naturali, fis-settur tal-mobbiltà tal-ħaddiema u tal-intrapriżi, eċċ., jew għall-iżvilupp ta’ pjani ta’ intervent għat-trattament tal-inċidenti ekoloġiċi;

1.2.4

għandha tikkontribwixxi għall-isfruttar l-aktar komplet possibbli tal-possibbiltajiet offruti mit-Trattat ta’ Lisbona u, b’konsegwenza t’hekk, għal applikazzjoni konsistenti tal-prinċipju tad-demokrazija parteċipattiva;

1.2.5

għandha tkun strument adegwat sabiex

a.

ġenwinament tikkontribwixxi, bħala politika ta’ żvilupp makroreġjonali, għat-tisħiħ tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, b’mod partikulari fil-kuntest tal-programm Ewropa 2020 (għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv); u

b.

tqarreb is-sitt pajjiżi terzi tar-reġjun tal-Unjoni Ewropea, billi jiġu megħjuna fl-isforzi tagħhom għal integrazzjoni;

1.2.6

għandha tirrifletti l-politika tal-livell makroreġjonali tal-Unjoni Ewropea u, f’dan il-kuntest, ir-rwol attiv u kostruttiv u l-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata;

1.2.7

għandha tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-ħidma tas-sistemi ta’ kooperazzjoni li jeżistu diġà f’diversi livelli u f’partijiet differenti tar-reġjun, kif ukoll għat-titjib tal-effikaċja tagħhom u t-tneħħija tad-duplikazzjoni;

1.2.8

għandha tħaddan sistema ċara, sempliċi u trasparenti ta’ governanza, strutturata skont approċċ minn isfel għal fuq għas-soċjetà ċivili organizzata; ir-riżultati miksuba għandhom jiġu analizzati matul konferenzi annwali;

1.2.9

għandha tiġi implimentata bħala proċess li, matul l-applikazzjoni, jeħtieġ ċertu livell ta’ flessibbiltà kif ukoll reviżjonijiet perjodiċi, u meta huwa possibbli, l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji addizzjonali;

1.2.10

għandu jkollha objettivi realistiċi, u sabiex tiġi garantita applikazzjoni effikaċi, hemm bżonn li jiġu definiti l-prijoritajiet; għall-implimentazzjoni tagħhom, hemm bżonn ta’ pjan ta’ azzjoni fuq perijodu medju, fejn jiġi speċifikat li kundizzjoni importanti għas-suċċess tikkonsisti fl-inklużjoni u l-parteċipazzjoni attiva tal-atturi kollha, billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ sħubija;

1.2.11

għandha tkun b’tali mod li r-riżultati tagħha jidhru b’mod ċar u tanġibbli għas-soċjetà u għaċ-ċittadini, bil-għan li twassal għal kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol u ta’ għixien għaċ-ċittadini, inklużi ż-żgħażagħ;

1.2.12

għandha ssemmi l-importanza tad-djalogu ċivili u soċjali;

1.2.13

għandha tirrikonoxxi l-importanza tal-konnettività fir-reġjun tad-Danubju;

1.2.14

għandha tqis l-esperjenzi tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku.

1.3   Rakkomandazzjonijiet prattiċi fil-livell tas-soċjetà ċivili dwar il-pjan ta’ azzjoni rigward strateġija għar-reġjun tad-Danubju:

1.3.1

hemm bżonn li jitwaqqaf in-netwerk tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tar-reġjun (forum tas-soċjetà ċivili tad-Danubju), li fost affarijiet oħra, jippermetti azzjoni u proġetti komuni; il-membri ta’ dan in-netwerk jiltaqgħu kull sena f’wieħed mid-diversi pajjiżi tar-reġjun;

1.3.2

hemm bżonn li jiġu organizzati avvenimenti (laqgħat, festivals, żjarat, wirjiet, fieri, eċċ.), bil-għan li jissaħħaħ is-sens ta’ appartenenza komuni tal-popli tad-Danubju u titrawwem kuxjenza reġjonali għaż-żamma tad-diversità kulturali, b’mod partikulari fost iż-żgħażagħ; għandu jiġi ppubblikat perjodiku kulturali reġjonali biex jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan l-objettiv;

1.3.3

hemm bżonn li kull sena, f’postijiet differenti, tiġi organizzata Ġimgħa tad-Danubju, li tista’ tkun forum adegwat għad-diskussjoni tal-kwistjonijiet topiċi relatati mal-Istrateġija għad-Danubju, u sabiex jiġu ppreżentati r-riżultati;

1.3.4

sabiex l-Istrateġija għad-Danubju tibbenefika minn appoġġ kontinwu miċ-ċittadini u mis-soċjetà ċivili organizzata, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll fi ħdan il-pajjiżi terzi ġirien, hemm bżonn li tħaddan strateġija effettiva u kontinwa ta’ komunikazzjoni;

1.3.5

fit-tħejjija tal-programmi tal-Istrateġija għad-Danubju, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikulari għall-gruppi żvantaġġati u marġinalizzati, b’mod partikulari għar-Roma;

1.3.6

fir-reġjun jeħtieġ li jissaħħu r-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni sistematika fost id-diversi atturi, kif ukoll id-djalogu soċjali u ċivili; f’dan il-proċess, il-kunsill ekonomiċi u soċjali nazzjonali jistgħu jaqdu rwol importanti;

1.3.7

il-ħolqien ta’ Forum Kummerċjali tad-Danubju (Danube Business Forum), li jinkludi parteċipanti soċjali u ekonomiċi, jista’ jikkostitwixxi strument importanti għall-kooperazzjoni u għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tar-reġjun tad-Danubju; l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fir-reġjun għandu jkollhom aċċess u jitħeġġew jipparteċipaw fil-programmi ta’ finanzjament li għandhom l-għan li jorganizzaw dan il-forum;

1.3.8

sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet interpersonali, huwa utli li jitnaqqsu jew jitneħħew għalkollox l-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ xogħol deċenti u ħlas ġust;

1.3.9

jeħtieġ li jintużaw ir-riżultati u s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija għad-Danubju;

1.3.10

jeħtieġ li jitwaqqaf grupp internazzjonali ta’ riċerkaturi, inkarigat li janalizza u jistudja xjentifikament il-kwistjonijiet relatati mal-Istrateġija għad-Danubju; il-ħidma ta’ dan il-grupp għandha tiġi appoġġjata bi programm ta’ boroż ta’ studju;

1.3.11

jeħtieġ jiġi analizzat kif is-snin u l-programmi tematiċi tal-Unjoni Ewropea jistgħu jintrabtu mal-Istrateġija għad-Danubju;

1.3.12

għandhom jiġu appoġġjati l-inizjattivi li jikkonċernaw it-tagħlim tal-lingwi użati fir-reġjun;

1.3.13

il-KESE għandu jwaqqaf osservatorju jew grupp ta’ studju permanenti għall-Istrateġija għad-Danubju;

1.3.14

l-elementi mħabbrin fl-Istrateġija għad-Danubju u fil-pjan ta’ azzjoni tagħha għandhom jiġu implimentati u mmonitorjati minn kumitat ta’ ġestjoni, li jinkludi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, u li jista’ jħejji rapport annwali bil-konklużjonijiet tiegħu;

1.3.15

b’mod parallel għall-adozzjoni tal-Istrateġija għad-Danubju, jeħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja xi proġetti pilota adegwati għall-ittestjar u l-ksib tal-esperjenza inizjali;

1.3.16

l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għad-Danubju u l-elementi mħabbrin fil-pjan ta’ azzjoni tagħha għandhom jiġu ffinanzjati minn diversi tipi ta’ sorsi: apparti l-fondi Ewropej (b’mod partikulari l-Fondi Strutturali), jistgħu jintużaw ir-riżorsi proprji tal-pajjiżi fir-reġjun, fondi privati kif ukoll l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali. Waqt li nistrieħu fuq il-kontribut tagħhom, aħna nirrakkomandaw it-twaqqif ta’ fond speċifiku.

1.3.17

Il-KESE jqis l-Istrateġija għad-Danubju, li għandha tiġi adottata matul l-ewwel sitt xhur tal-2011, taħt il-Presidenza Ungeriża, bħala strument deċiżiv għall-ħolqien ta’ reġjun tad-Danubju li huwa dinamiku, kompetittiv u li jipprometti.

2.   Linji gwida tal-Istrateġija għad-Danubju

2.1   Fit-tfassil tal-Istrateġija għad-Danubju, huwa importanti li tiġi definita l-istruttura teoretika li tappoġġja l-istrateġija ta’ kooperazzjoni fir-reġjun tad-Danubju u l-programm ta’ azzjoni sabiex din tiġi implimentata.

2.2   Għalhekk, fil-kuntest tat-tfassil tal-Istrateġija għad-Danubju, hemm bżonn li jitqiesu dawn li ġejjin:

l-aspetti relatati mal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

ir-rwol li taqdi x-xmara fit-trasport (b’attenzjoni partikulari lis-VII kuritur pan-Ewropew tat-trasport, li jolqot lid-Danubju), it-trasport tal-merkanzija u l-infrastrutturi u l-potenzjal relatat għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi inġenerali; il-bżonn li jiġu appoġġjati miżuri ta’ manutenzjoni tal-kanal navigabbli fejn huwa meħtieġ għat-trasport, u li jitneħħew il-konġestjonijiet fit-trasport marittimu kif imsemmi fil-proġett ta’ prijorità 18 tat-TEN-T (b’konnessjoni ma’ dan, id-Dikjarazzjoni Konġunta, li tħejjiet taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tax-Xmara Danubju (ICPDR), għandha titqies bħala gwida u tiġi infurzata fil-prattika); u jitkomplew il-proġetti tat-trasport intermodali (bini ta’ terminals għall-kontejners fil-portijiet) u l-proġetti komplementari għat-trasport bit-triq fir-reġjun tad-Danubju (bini ta’ pontijiet li jgħinu biex il-flussi tat-trasport tal-merkanzija jitjiebu); barra minn hekk, il-bżonn li jitwettqu proġetti li jkollhom impatt konsiderevoli fuq l-iżvilupp, bħall-kanal Danubju-Bukarest, li minnhom tibbenefika l-ekonomija Ewropea;

l-istatut tagħha ta’ sors ta’ ilma tax-xorb u ta’ enerġija, u bħala ambjent naturali li għandu jiġi preservat – l-element prinċipali huwa l-iżvilupp sostenibbli; hemm bżonn li jiġu appoġġjati l-proġetti fis-settur tal-infrastruttura tal-enerġija, bħall-bini ta’ impjanti idroelettriċi;

ir-rwol tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni fir-reġjun;

il-bżonn li jiġu żviluppati opportunitajiet fit-turiżmu fid-Danubju kif ukoll il-potenzjal ta’ żvilupp rurali, għal liema għandu jitqies l-iffinanzjar ta’ proġetti li jistimulaw l-attivitajiet f’dawk il-pajjiżi li għandhom tradizzjoni agrikola konsiderevoli; il-finanzjament ta’ proġetti għall-bini tal-infrastruttura għat-tagħbija taċ-ċereali jgħin ikejjel il-potenzjal tal-agrikoltura lokali, partikularment fil-pajjiżi bi tradizzjoni konsolidata ta’ biedja;

ir-rwol tax-xmara fl-iżvilupp ta’ kuxjenza u identità komuni “Danubjani”, id-djalogu interkulturali u s-solidarjetà jaqdu rwol importanti ħafna, inkluż bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi tar-reġjun; b’mod reġjonali dan jikkomplementa l-iżvilupp ta’ kuxjenza Ewropea għall-Unjoni Ewropea kollha;

ir-rispett lejn l-ambjent f’każ li jiżdied il-volum tat-trasport;

l-eżistenza ta’ potenzjal li jsolvi l-kunflitti li huwa kapaċi jindirizza t-tensjonijiet li żdiedu b’mod storiku fir-reġjun.

2.3   Minħabba l-kumplessità u sikwit il-kompetizzjoni reċiproka tal-valuri u l-interessi, huwa importanti li tiġi żviluppata strateġija integrata għad-Danubju, ibbażata fuq prinċipji bażi komuni, li apparti r-raġunijiet ekonomiċi, tqis ukoll il-bżonnijiet u l-parametri soċjali, inklużi l-fehmiet u l-kontribut tas-soċjetà ċivili.

2.4   Strateġija għad-Danubju li tħalli l-frott, ibbażata fuq il-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali, twassal għall-ħolqien ta’ reġjun tad-Danubju li huwa dinamiku, kompetittiv u li jipprometti.

3.   Kuntest

3.1   Fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta strateġija Ewropea għar-reġjun tad-Danubju qabel l-aħħar tal-2010. Matul il-ħidma preparatorja, ġew espressi ħafna fehmiet, b’mod partikulari matul il-konsultazzjoni miftuħa mnedija mill-Kummissjoni Ewropea.

3.2   Il-KESE jappoġġja b’mod ċar u deċiżiv il-viżjoni l-ġdida tal-Unjoni Ewropea dwar il-politika makroreġjonali u, f’dan il-kuntest, l-istabbiliment tal-Istrateġija Ewropea għad-Danubju. Bħala rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, il-KESE huwa lest li jaqdi rwol attiv u jieħu l-inizjattiva fit-tfassil u t-twettiq ta’ din l-istrateġija.

3.3   L-interess u l-impenn tal-KESE għall-kwistjonijiet relatati mar-reġjun tad-Danubju m’humiex ġodda. Matul is-snin li għaddew fil-fatt adotta ħafna dokumenti dwar diversi oqsma, b’mod partikulari t-trasport jew il-protezzjoni tal-ambjent. Dawn id-dokumenti jispjegaw b’mod evidenti, ir-raġunijiet għala l-KESE jqis ir-reġjun tad-Danubju bħala importanti u jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ strateġija għad-Danubju.

3.4   Għandu jiġi indikat li bl-aħħar tkabbir tal-Unjoni Ewropea, iċ-ċentru ġeografiku tagħha ċċaqlaq lejn il-Lvant, filwaqt li ċ-ċentru ta’ gravità ekonomiku baqa’ fl-Ewropa tal-Punent. Il-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali, element deċiżiv tal-Istrateġija għad-Danubju, kif ukoll l-ideat prattiċi li jappoġġjaw l-implimentazzjoni tagħha jirrappreżentaw kontribut adegwat sabiex jiġi indirizzat dan l-iżbilanċ.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-Istrateġija futura tad-Danubju ser tinkludi lil dawn l-Istati Membri tal-UE: il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Ungerija, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovenja, il-Bulgarija u r-Rumanija, u lil dawn l-Istati li mhumiex membri tal-UE: il-Kroazja, is-Serbja, l-Ukraina, il-Moldova, il-Bożnja u l-Ħerżegovina u l-Montenegro.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/6


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-immigrazzjoni legali fil-kuntest tal-isfida demografika” (Opinjoni esploratorja)

2011/C 48/03

Relatur: is-Sur Luis Miguel PARIZA CASTAÑOS

F’ittra tas-16 ta' Frar 2010, is-Sinjura Joëlle Milquet, Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Impjiegi u l-Opportunitajiet Indaqs responsabbli għall-politika dwar il-migrazzjoni u l-asil, f’isem il-Presidenza Belġjana futura, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iħejji opinjoni esploratorja dwar

Ir-rwol tal-immigrazzjoni legali fil-qafas tal-isfida demografika.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (sessjoni tal-15 ta' Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’115-il vot favur, vot wieħed kontra u żewġ astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jemmen li hemm bżonn ta' approċċ olistiku sabiex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi, filwaqt li tittieħed azzjoni dwar diversi aspetti ekonomiċi, soċjali u politiċi. L-immigrazzjoni legali hija parti mir-risposta tal-UE għal din is-sitwazzjoni demografika.

1.2

Il-mobbiltà interna taċ-ċittadini Ewropej hija baxxa, iktar baxxa mill-immigrazzjoni ta' ċittadini minn pajjiżi terzi. Il-Kumitat iqis li għandhom jitneħħew l-ostakoli u tiġi ffaċilitata l-mobbiltà interna tal-ħaddiema Ewropej.

1.3

Il-KESE jappoġġja l-Aġenda Ewropa 2020 biex il-livell ta' impjieg tal-popolazzjoni bejn l-20 u l-64 sena jiżdied sa 75 % permezz ta' parteċipazzjoni akbar min-naħa tan-nisa u tal-ħaddiema mdaħħla fl-età u permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-immigranti fis-suq tax-xogħol.

1.4

Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandu jkollha approċċ strateġiku b’viżjoni għal perijodu medju u twil ta' żmien, filwaqt li tikkunsidra l-aspetti kollha, bħall-kuntest demografiku, l-iżviluppi tas-swieq tax-xogħol, l-integrazzjoni, id-diversità kulturali, id-drittijiet fundamentali, it-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini.

1.5

Huwa r-rwol ta' kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar l-ammissjoni ta' immigranti ġodda. L-UE tista’ tagħti valur miżjud kbir permezz ta' politika komuni u leġislazzjoni b’livell għoli ta' armonizzazzjoni.

1.6

Minkejja ċerti differenzi nazzjonali, jeħtieġ li l-UE u l-Istati Membri jkollhom leġislazzjoni miftuħa li tippermetti l-immigrazzjoni għall-finijiet ta' xogħol b’mezzi legali u trasparenti, kemm għall-ħaddiema bi kwalifiki għolja kif ukoll dawk inqas ikkwalifikati.

1.7

Bil-konsiderazzjoni tal-isfida demografika, il-KESE jqis li għandhom jiġu mmodifikati d-direttivi li jinsabu fis-seħħ u li jitfasslu strumenti leġislattivi ġodda.

1.8

Bl-approvazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona daħlet fis-seħħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li għandha tiffaċilita l-fatt li l-UE tiffoka b’mod iktar ibbilanċjat fuq il-leġislazzjoni dwar l-immigrazzjoni u li tirrispetta iktar id-drittijiet tal-bniedem.

1.9

M’hemmx dubju li fl-Ewropa qegħdin jikbru l-intolleranza, ir-razziżmu u l-ksenofobija fir-rigward tal-immigranti u l-minoranzi. Jeħtieġ li l-politiċi, il-mexxejja soċjali u l-mezzi ta' komunikazzjoni jaġixxu b’mod ferm responsabbli u b’pedagoġija politika u soċjali kbira sabiex jiġi evitat dan it-tip ta' mġiba. Jeħtieġ li l-istituzzjonijiet tal-UE jaġixxu b’mod deċiżiv, u li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu attivi ħafna fil-ġlieda kontra dawn l-ideoloġiji u din l-imġiba.

1.10

Il-leġislazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha tiggarantixxi t-trattament ugwali, fuq il-bażi tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni.

1.11

Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini m’għandhiex tkun ibbażata esklużivament fuq il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari, ir-ritorn u l-kontroll tal-fruntieri. Il-ftehimiet għandhom jikkunsidraw l-interessi tal-partijiet interessati kollha: dawk tal-immigranti, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tagħhom; dawk tal-pajjiżi ta' oriġini, sabiex l-immigrazzjoni tkun tista’ tkun pożittiva għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom; u dawk tas-soċjetajiet Ewropej ta' akkoljenza.

1.12

Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandha tinkludi l-integrazzjoni, li hija proċess soċjali bidirezzjonali ta' adattament reċiproku tal-immigranti u s-soċjetà ta' akkoljenza, li għandu jiġi appoġġjat permezz ta' governanza tajba fl-Unjoni Ewropea, fil-livell nazzjonali u fil-livell reġjonali u lokali. Approċċ komuni Ewropew għandu valur miżjud kbir billi jorbot l-integrazzjoni mal-valuri u l-prinċipji tat-Trattat, mat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni, mal-Karta tad-Drittjiet Fundamentali, mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-Aġenda Ewropa 2020.

1.13

Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni titlob it-tfassil ta' Opinjoni esploratorja dwar il-possibbiltà li tinħoloq pjattaforma Ewropea ta' djalogu għall-ġestjoni tal-immigrazzjoni għall-finijiet ta' xogħol.

2.   Il-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea

2.1

Il-popolazzjoni tal-UE hija ta' ftit inqas minn 500 miljun abitant  (1). Matul l-aħħar għaxar snin il-varjazzjoni kienet pożittiva u l-popolazzjoni żdiedet b’aktar minn 18-il miljun abitant (2).

2.2

Madankollu jeżistu differenzi kbar bejn pajjiż u ieħor. Il-popolazzjoni naqset f’varji pajjiżi, speċjalment fl-Ungerija, il-Polonja, il-Bulgarija u r-Rumanija. Fl-Istati Membri l-oħra l-popolazzjoni baqgħet stabbli jew żdiedet, prinċipalment fi Spanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit. F’xi Stati Membri jeżistu wkoll differenzi reġjonali kbar.

2.3

It-tkabbir naturali tal-popolazzjoni żied il-popolazzjoni tal-UE bi ftit aktar minn 3 miljun abitant ġdid (3). Il-pajjiżi bl-ogħla tkabbir naturali f’termini assoluti kienu Franza, ir-Renju Unit, Spanja u l-Pajjiżi l-Baxxi, għalkemm kien hemm rati pożittivi f’pajjiżi oħra wkoll. Ir-rati negattivi tat-tkabbir naturali ġew irreġistrati l-Ġermanja, il-Bulgarija, ir-Rumanija u l-Ungerija.

2.4

Il-popolazzjoni tal-UE qed tixjieħ. Il-proporzjon tal-popolazzjoni taħt il-15-il sena naqas minn 17,7 % fl-1998 għal 15,7 % fl-2008.

2.5

Fl-UE l-proporzjon tal-popolazzjoni li għandha minn 65 sena ’l fuq żdied minn 15,3 % fl-1998 għal 17 % fl-2008. Dan il-proporzjon naqas kemxejn fl-Irlanda u l-Lussemburgu, filwaqt li qed joqrob lejn l-20 % fil-Ġermanja u l-Italja u jaqbeż it-18,5 % fil-Greċja.

2.6

Ir-rata tad-dipendenza demografika  (4) fl-UE baqgħet prattikament stabbli matul l-aħħar għaxar snin: minn 49,2 % fl-1998 niżlet għal 48,6 % fl-2008. Din ir-rata żdiedet fid-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja u l-Pajjiżi l-Baxxi, baqgħet stabbli fi Franza u l-Finlandja u naqset fil-pajjiżi l-oħra tal-UE, b’mod partikolari fil-pajjiżi fejn il-proporzjon tat-tfal u ż-żgħażagħ naqas l-aktar.

2.7

L-indiċi sintetiku tal-fertilità  (5) fl-2006 kien ta' 1,53 tifel għal kull mara. Bejn l-1999 u l-2008 dan żdied fil-pajjiżi kollha tal-UE. Iżda għadu taħt il-1,5 tifel għal kull mara f’ħafna Stati Membri. Fi Franza biss jilħaq iż-żewġt itfal għal kull mara.

2.8

L-istennija tal-ħajja fit-twelid qed tiżdied għall-popolazzjoni Ewropea, b’medja ta' aktar minn 82 sena għan-nisa u 76 sena għall-irġiel.

2.9

Il-mortalità tat-trabi  (6) qed tonqos fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u waslet sa inqas minn ħamest imwiet għal kull elf tarbija mwielda ħajja madwar l-UE kollha fl-2006.

3.   Il-migrazzjoni fl-Unjoni Ewropea

3.1

L-Ewropa hija d-destinazzjoni ta' parti żgħira mill-flussi migratorji internazzjonali, u l-persuni minn sfond ta' immigrazzjoni ilhom is-snin jiffurmaw parti mill-popolazzjoni tagħha.

3.2

Fit-Trattat, u b’hekk fl-opinjonijiet tal-KESE, l-immigrazzjoni tirreferi għal persuni li għandhom in-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi.

3.3

L-immigrazzjoni hija l-kawża prinċipali taż-żieda tal-popolazzjoni tal-UE matul il-perijodu 1999-2008. Il-kontribut nett tal-migrazzjoni żied kważi 15-il miljun persuna mal-popolazzjoni tal-UE (7). Hija negattiva biss fil-Bulgarija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija. Hija kemxejn pożittiva f’diversi Stati Membri, filwaqt li l-ogħla bilanċ migratorju huwa dak tal-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit. Bejn l-1999 u l-2008, il-maġġoranza tal-Istati Membri kellhom bilanċ migratorju pożittiv, bl-eċċezzjoni tal-Bulgarija (- 215 600), il-Latvja (- 24 700), il-Litwanja (- 88 100), il-Polonja (- 566 100) u r-Rumanija (- 594 700).

3.4

Il-flussi migratorji qed iżidu l-popolazzjoni tal-UE. L-immigrazzjoni hija responsabbli għal aktar minn 80 % taż-żieda fil-popolazzjoni matul l-aħħar għaxar snin.

3.5

F’xi pajjiżi tal-UE, il-bilanċ migratorju rrappreżenta aktar minn 4 % tal-popolazzjoni medja tal-perijodu: l-Italja, Malta, l-Awstrija u l-Portugall; u aktar minn 10 % f’Ċipru (11,64 %), Spanja (12,62 %), l-Irlanda (10,66 %) u l-Lussemburgu (11,08 %). Fl-estrem l-ieħor, it-tnaqqis fil-popolazzjoni minħabba l-migrazzjoni netta kien bejn il-0,75 % tal-popolazzjoni fil-Latvja u t-2,62 % fir-Rumanija.

3.6

Fl-2008, in-numru ta' barranin (bl-inklużjoni ta' ċittadini Ewropej u ċittadini ta' pajjiżi terzi) tela’ għal kważi 31 miljun persuna. Il-Ġermanja hija l-pajjiż bl-akbar numru ta' barranin (’il fuq minn 7 miljuni), wara jiġu Spanja (5,3), ir-Renju Unit (4), Franza (3,7) u l-Italja (3,4). Fl-2009 n-numru żdied f’dawn il-pajjiżi kollha ħlief fil-Ġermanja. Il-Greċja u l-Belġju joqorbu lejn il-miljun barrani, filwaqt li l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja jaqbżu n-nofs miljun.

3.7

Fl-aħħar tliet xhur tal-2009 (8), kważi 11-il miljun ċittadin Ewropew kienu joqogħdu fi Stat Membru ieħor. 2,5 miljuni minnhom kienu jgħixu l-Ġermanja, 1,8 miljun ir-Renju Unit, 1,6 miljun Spanja, 1,2 miljun Franza u 1,1 miljun l-Italja. Insibu wkoll dan it-tip ta' migranti, għalkemm f’għadd iżgħar, il-Belġju (642 900), l-Irlanda (350 500), il-Lussemburgu (191 000), l-Awstrija (322 200), il-Pajjiżi l-Baxxi (272 100), il-Greċja (142 500) u l-Isvezja (185 700).

3.8

Mill-aħħar tliet xhur tal-2005 lil hawn, in-numru ta' ċittadini ta' Stat Membru li joqogħdu f’ieħor differenti żdied b’aktar minn 2,7 miljun persuna, u d-destinazzjonijiet favoriti ta' dawn il-movimenti interni kienu l-Italja, ir-Renju Unit u Spanja, b’aktar minn 1,7 miljun persuna.

3.9

Fl-2009 ż-żieda fl-għadd ta' barranin niżel għal inqas minn miljun, livell simili għal dak tal-2006.

4.   Il-futur tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea

4.1

Skont il-previżjonijiet demografiċi tal-Eurostat, il-popolazzjoni tal-UE fl-2018 ser tkun bejn 495 miljun u 511 miljun: id-differenza tiddependi minn jekk ikunx hemm migrazzjoni matul is-snin li ġejjin jew le.

4.2

Jekk titqies l-immigrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, it-tbassir tal-popolazzjoni tal-UE għall-2020 jitla’ għal 514-il miljun u jilħaq il-520 miljun fl-2030. Dan it-tbassir huwa bbażat fuq l-ipotesi li kull sena jkun hemm migrazzjoni netta ta' ftit inqas minn 1,5 miljun persuna.

4.3

Għalhekk, fl-2020 il-previżjoni tat-tkabbir tal-popolazzjoni, bil-migrazzjoni, tilħaq l-14-il miljun persuna. Fosthom, 5,3 miljuni jinsabu fi Spanja, 4 miljuni fir-Renju Unit, 1,4 miljun l-Italja, 1,3 miljun Franza, kważi miljun l-Irlanda, madwar 500 000 l-Isvezja u l-Belġju, u kważi 500 000 il-Portugall. Fl-estrem l-ieħor, ser ikun hemm tnaqqis demografiku ta' aktar minn 660 000 persuna fir-Rumanija, 530 000 fil-Ġermanja u 419 000 fil-Bulgarija, filwaqt li ser jinqabżu l-100 000 persuna fil-Polonja, l-Ungerija, il-Litwanja u l-Latvja.

4.4

Meta mqabbla mal-2008, fl-2020 il-popolazzjoni tal-UE għandha tiżdied bi kważi 845 000 persuna li għandhom bejn 0 u 14-il sena, tonqos bi 2,8 miljun persuna li għandhom bejn 15 u 64 sena, u tiżdied bi 18,1 miljun persuna li għandhom minn 65 sena ’l fuq. Barra minn hekk, il-popolazzjoni tal-persuni bejn l-20 u d-59 sena ser tonqos b’4,7 miljuni. B’dan il-mod, it-tkabbir previst tal-popolazzjoni tal-UE huwa bbażat l-aktar fuq il-persuni li għandhom minn 65 sena ’l fuq, li joħolqu tixjiħ demografiku akbar, u l-proporzjon tal-persuni li għandhom minn 65 sena ’l fuq ser jilħaq l-20 %.

5.   Is-suq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea

5.1

Il-varjabbli demografika fis-swieq tax-xogħol għandha titqies flimkien ma' varjabbli ekonomiċi, soċjali u politiċi oħrajn, li jmorru lil hinn mill-iskop ta' din l-Opinjoni.

5.2

Fil-perijodu bejn l-1998 u l-2008, il-popolazzjoni potenzjalment attiva minħabba l-età tagħha żdiedet għal 12,1 miljun persuna u ftit inqas minn 12-il miljun persuna li għandhom bejn 20 u 59 sena.

5.3

Fl-2009 l-UE kellha madwar 218-il miljun persuna taħdem, wara li tilfet 3,8 miljun meta mqabbla mas-sena ta' qabel. Aktar minn 24 miljun (11 %) kellhom impjieg temporanju. L-età medja tal-irtirar mill-impjieg kienet ta' 61,4 sena.

5.4

Fl-aħħar tliet xhur tal-2009, 5,8 miljun ċittadin tal-UE kienu jaħdmu fi Stati Membri oħra. 1,4 miljun minnhom kienu jaħdmu l-Ġermanja, 1,1 miljun ir-Renju Unit, 820 000 Spanja, 650 000 l-Italja, 540 000 Franza, 280 000 il-Belġju, 190 000 l-Irlanda, 180 000 l-Awstrija, 150 000 il-Pajjiżi l-Baxxi u 125 000 l-Isvezja.

5.5

Bejn l-1998 u l-2008 r-rati ta' attività żdiedu fl-UE-15 f’kull grupp ta' età iżda b’differenzi li jvarjaw bejn punt perċentwali (15-19 sena) u għaxar punti perċentwali (60-64 sena). Ir-rati ta' attività tal-irġiel baqgħu prattikament kostanti, ħlief għall-grupp ta' bejn il-50 u s-70 sena, fejn żdiedu b’massimu ta' għaxar punti fil-grupp ta' bejn is-60 u l-65 sena. Ir-rati ta' attività tan-nisa żdiedu f’kull grupp ta' età, u b’mod speċjali fil-grupp ta' persuni bejn it-30 u l-65 sena, b’massimu ta' għaxar punti perċentwali fil-grupp ta' persuni li għandhom minn 50 sa 65 sena.

5.6

F’dawn l-aħħar snin l-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol żdiedet konsiderevolment, iżda r-rata ta' attività tan-nisa għadha iktar baxxa minn dik tal-irġiel.

5.7

Il-popolazzjoni potenzjalment attiva fl-2020 ser tkun ta' 361 miljun persuna, li minnhom madwar 238 miljun ser ikunu realment attivi (9), u b’hekk jibqa’ marġni ta' 123 miljun persuna mingħajr xogħol. Dan iwassal għal rata ta' attività ta' 74,2 % għal dawk li għandhom minn 20 sa 64 sena, kemxejn inqas minn dik tal-2008 minħabba t-tibdil fl-istruttura demografika.

5.8

Jekk jitqiesu r-rati tal-qgħad (10), fl-2020 jista’ jkun hemm 221,5 miljun persuna taħdem. Dan ifisser rata ta' impjieg ta' 69,3 % għall-persuni li għandhom minn 20 sa 64 sena.

5.9

Madankollu, l-Aġenda Ewropa 2020 (11) tipproponi li l-livell ta' impjieg tal-popolazzjoni bejn l-20 u l-64 sena jiżdied sa 75 % permezz ta' parteċipazzjoni akbar min-naħa tan-nisa u tal-ħaddiema anzjani u permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-immigranti fis-suq tax-xogħol.

5.10

Aktar minn 17,5 miljun persuna oħra jistgħu jkunu impjegati fl-2020 jekk tintlaħaq ir-rata ta' impjieg ta' 75 % għall-persuni li għandhom minn 20 sa 64 sena. Anke f’dan il-każ jibqgħu aktar minn 76 miljun persuna mingħajr impjieg f’dan il-grupp ta' età, għalkemm dawn jinkludu l-morda u l-persuni b’diżabilità li ma jkunux f’kondizzjoni li jaħdmu.

5.11

Jeżistu differenzi kbar bejn ir-rati ta' impjieg tal-pajjiżi differenti tal-UE, li fl-2009 kienu jvarjaw bejn il-minimu ta' Malta (inqas minn 60 %) u l-massimu tal-Pajjiżi l-Baxxi (madwar 80 %), b’pajjiżi li diġà jaqbżu l-objettiv tal-75 %. Għal din ir-raġuni, iż-żieda fir-rata ta' attività f’pajjiżi b’rati baxxi ta' impjieg – taħt il-medja tal-UE – jiġifieri l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u f’dawk b’rati ta' impjieg ’il fuq mill-medja tal-UE iżda taħt il-75 % tista’ timplika ċaqliq intern tal-popolazzjoni tal-UE.

5.12

Wieħed mill-fatturi taż-żieda fir-rati ta' impjieg huwa ż-żieda fil-livell ta' edukazzjoni tal-popolazzjoni. Fl-2008, ir-rata ta' impjieg tal-persuni ggradwati mill-università fil-grupp tal-età bejn il-15 u l-64 sena kienet ta' 84 %, filwaqt li dik tal-persuni bi studji sekondarji kienet ta' 71 % u dik tal-persuni li kellhom livell inferjuri kienet ta' 48 %. Barra minn hekk, kienu ċarament ’il fuq mill-medja tas-66 %. It-titjib tal-livell edukattiv jista’ jkun ukoll fattur għaż-żieda tal-produttività u jikkontribwixxi biex tiġi indirizzata d-domanda dejjem tikber ta' ħaddiema b’livell għoli ta' edukazzjoni.

5.13

Fis-sitwazzjoni attwali ta' kriżi ekonomika, is-swieq tax-xogħol mhumiex kapaċi joffru impjieg għall-popolazzjoni kollha li qiegħda fl-età tax-xogħol (lokali u immigranti) u r-rata tal-qgħad hija ta' madwar 10 %. Fi Frar 2010, il-qgħad fl-UE affettwa aktar minn 23,01 miljun persuna fl-età tax-xogħol, 3,1 miljun aktar minn kemm intlaqtu fl-istess xahar tal-2009.

5.14

It-tixjiħ tal-popolazzjoni qed jaċċelera. Billi l-ġenerazzjoni tal-isplużjoni demografika tas-snin sittin qed tirtira, il-popolazzjoni attiva tal-UE ser tonqos u n-numru ta' anzjani li għandhom aktar minn 60 sena ser jiżdied b’rata darbtejn aktar rapida minn dik ta' qabel l-2007, jiġifieri b’madwar żewġ miljuni fis-sena minflok b’miljun kif kien jiġri qabel.

5.15

Skont il-Kummissjoni Ewropea (12), mill-2020 ’il quddiem l-iskarsezza tal-ħaddiema ser tiżdied, u b’hekk ser isir diffiċli għall-Ewropa li żżomm il-livell ta' attività ekonomika u ta' impjieg tagħha. Din is-sitwazzjoni tista’ tkompli għal għexieren ta' snin.

5.16

F’xi Stati Membri l-persuni mdaħħlin fiż-żmien qed jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol iktar faċilment, l-età reali tal-irtirar qed toqrob lejn l-età legali, u qed jiġu promossi wkoll riformi leġislattivi biex l-età tal-irtirar tkun aktar minn 65 sena, hekk kif innotat il-Green Paper tal-Kummissjoni (13).

6.   Ir-rwol tal-immigrazzjoni f’dan il-kuntest demografiku

6.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jemmen li hemm bżonn ta' approċċ olistiku sabiex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi, filwaqt li tittieħed azzjoni fir-rigward ta' diversi aspetti ekonomiċi, soċjali u politiċi. L-UE għandha tieħu azzjoni, fost oħrajn, fil-politiki tal-impjieg u tat-taħriġ; fit-titjib tas-swieq tax-xogħol, fis-sistemi ta' pensjoni; fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali; fil-politiki attivi tal-familja; eċċ.

6.2

Il-politika dwar l-immigrazzjoni tagħmel parti mid-deċiżjonijiet politiċi li l-UE għandha tadotta f’dan il-kuntest.

6.3

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-konklużjonijiet li l-Grupp tal-Esperti, ippresedut mis-Sur Felipe González, ressaq fid-dokument Ewropa 2030  (14), li jistqarr li: “l-isfida demografika tal-Unjoni Ewropea ser tkun indirizzata biss permezz ta' żewġ settijiet ta' azzjonijiet komplementari: it-tisħiħ tar-rati ta' parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol; u l-implimentazzjoni ta' politika bbilanċjata, ġusta u proattiva dwar l-immigrazzjoni.”“[I]x-xogħol migranti ser ikun parti mis-soluzzjoni għan-nuqqasijiet ta' impjiegi u ħiliet futuri tal-Ewropa u ser ikun meħtieġ li l-UE tiżviluppa approċċ proattiv lejn l-immigrazzjoni.”

6.4

Il-KESE adotta diversi opinjonijiet bil-għan li l-UE jkollha politika komuni dwar l-immigrazzjoni sabiex persuni ġodda jkunu jistgħu jiżviluppaw il-proġett ta' migrazzjoni tagħhom fl-Ewropa permezz ta' proċeduri legali u trasparenti.

6.5

L-Ewropa hija destinazzjoni għal parti mill-migrazzjoni internazzjonali, għaliex minħabba l-prosperità ekonomika relattiva u l-istabbiltà politika tagħha xi immigranti jqisuha bħala referenza attraenti biex ifittxu l-opportunitajiet tagħhom.

6.6

L-UE għandha tikkunsidra li ħafna immigranti għandhom spirtu intraprenditorjali qawwi, u li joħolqu l-intrapriżi fl-Ewropa u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda.

6.7

Il-mobilità interna fl-UE għal raġunijiet ta' xogħol hija inqas mill-immigrazzjoni. F’dawn l-aħħar snin, iċ-ċittadini Pollakki u Rumeni kienu l-aktar li eżerċitaw id-dritt tal-moviment ħieles fl-UE. Il-KESE jemmen li l-UE għandha tippromovi u tiffaċilita l-mobilità professjonali taċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk għandha ssaħħaħ in-netwerk tal-EURES u tirrikonoxxi l-kwalifiki akkademiċi u professjonali.

7.   Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni

7.1

Il-politika komuni dwar l-immigrazzjoni qiegħda tiġi żviluppata b’diffikultà kbira. Il-kollaborazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-persuni tjiebet, ġew konklużi xi ftehimiet ma' pajjiżi terzi u ġie żviluppat approċċ Ewropew għall-integrazzjoni, iżda ftit sar progress fil-leġislazzjoni dwar l-ammissjoni ta' immigranti ġodda għal raġunijiet ekonomiċi, kif ukoll fil-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza u fid-drittijiet tal-immigranti.

7.2

Fit-tfassil tal-politika komuni dwar l-immigrazzjoni għandu jiġi kkunsidrat li kull Stat Membru għandu l-karatteristiċi partikolari tiegħu (swieq tax-xogħol, sistemi legali, rabtiet storiċi ma' pajjiżi terzi, eċċ.).

7.3

Il-leġislazzjoni komuni dwar l-ammissjoni tiżviluppa permezz ta' direttivi differenti skont il-kategoriji professjonali tal-ħaddiema immigranti.

7.4

L-intrapriżi Ewropej jixtiequ jtejbu r-reklutaġġ internazzjonali ta' ħaddiema immigranti kkwalifikati. B’dan il-għan l-UE approvat id-Direttiva (15) dwar il-Karta l-Blu, li wara xi proposti ta' modifika, ġiet appoġġjata mill-Kumitat.

7.5

Madankollu, għal attivitajiet oħra għad m’hemmx leġislazzjoni komuni, minkejja l-fatt li fil-ġejjieni l-UE ser tilqa’ għadd kbir ta' immigranti biex jitwettqu attivitajiet li jeħtieġu kwalifiki medji u baxxi.

7.6

Fil-kontribut tagħha lill-Programm ta' Stokkolma, il-Kummissjoni pproponiet li toħloq Pjattaforma Ewropea għall-migrazzjoni tax-xogħol li fiha jipparteċipaw l-imsieħba soċjali, iżda din ma ġietx aċċettata mill-Kunsill. Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Kumitat dwar l-utilità li tinħoloq din il-pjattaforma.

8.   Leġislazzjoni

8.1

L-UE ilha sentejn tiddibatti dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva Qafas  (16) dwar id-drittijiet tal-immigranti li tipprovdi wkoll proċedura unika. Il-KESE jikkunsidra li huwa fundamentali li din id-Direttiva tiġi approvata waqt il-Presidenza Belġjana.

8.2

Fit-13 ta' Lulju l-Kummissjoni adottat żewġ proposti leġislattivi ġodda: waħda għall-ħaddiema immigranti temporanji (17) u oħra għall-ħaddiema immigranti ppustjati temporanjament/li jmorru joqogħdu b’mod temporanju fi Stat Membru ieħor (18). Il-KESE ser jeżamina l-approċċ ta' dawn il-proposti u ser ifassal opinjonijiet dwarhom.

8.3

In-natura minimalista tad-Direttiva 2003/86 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja tippermetti li f’ċerti leġislazzjonijiet nazzjonali dan id-dritt ma jiġix iggarantit bis-sħiħ. Id-Direttiva għandha tiġi mmodifikata sabiex il-persuni immigranti wara sena ta' residenza legali jkunu jistgħu jitolbu riunifikazzjoni mingħand l-awtoritajiet b’applikazzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja fil-familja. Il-Kumitat iqis ukoll li l-konġugi jew koabitanti li jibbenefikaw mir-riunifikazzjoni u t-tfal tal-età legali għandhom ikunu jistgħu jiksbu permess tax-xogħol. Il-Kummissjoni ser tippreżenta Green Paper f’Ottubru.

8.4

Id-Direttiva dwar l-istudenti  (19) ilha s-snin fis-seħħ. Il-Kumitat iqis li l-persuni li jkollhom il-permess ta' residenza kopert minn din id-Direttiva għandhom ikunu jistgħu jiksbu permess għall-attivitajiet professjonali permezz ta' proċedura rapida, meta l-permess jiskadi, billi jiġi estiż il-permess ta' residenza preċedenti. Fl-2011 il-Kummissjoni ser tfassal rapport dwar l-applikazzjoni tagħha.

8.5

Hemm ukoll id-Direttiva dwar ir-riċerkaturi  (20). Il-Kumitat iqis li għandha tinħoloq proċedura aċċelerata sabiex dawn il-persuni, meta jispiċċaw proġett ta' riċerka, ikunu jistgħu jiksbu aċċess għall-Karta Blu biex jiżviluppaw attività professjonali. Fl-2012 il-Kummissjoni ser tfassal rapport dwar l-applikazzjoni tagħha.

8.6

Jeħtieġ li tiġi solvuta waħda mill-ikbar problemi ta' ħafna immigranti u intrapriżi Ewropej: ir-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali.

8.7

Il-Kumitat iqis li sabiex il-biċċa l-kbira tal-immigrazzjoni ssir b’mod legali u trasparenti, il-leġislazzjoni dwar l-ammissjoni għandha tqis ukoll l-attivitajiet professjonali li jsiru fil-mikrointrapriżi u fil-familji. Għal din ir-raġuni l-KESE, f’Opinjoni oħra, (21) ippropona l-użu ta' permess temporanju ta' dħul u ta' residenza għat-tfittxija ta' xogħol ta' sitt xhur.

8.8

Skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-UE għandha tiggarantixxi lil kull persuna protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qafas tal-leġislazzjoni tal-UE u l-Istati Membri.

8.9

Id-drittijiet tal-bniedem huma universali, irrevokabbli u jipproteġu lill-persuni kollha, irrispettivament mill-kondizzjoni u l-istatus legali tiegħu. Għalhekk il-KESE fassal Opinjoni (22) fuq inizjattiva proprja li fiha ppropona li l-politiki u l-leġislazzjonijiet tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-fruntieri jirrispettaw b’mod adegwat id-drittjiet tal-bniedem.

8.10

Il-leġislazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha tiggarantixxi t-trattament ugwali, fuq il-bażi tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni (Artikolu 21 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali), kif ukoll li “ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma awtorizzati jaħdmu fit-territorji tal-Istati Membri għandhom id-dritt għal kondizzjonijiet ta' xogħol ekwivalenti għal dawk li jgawdu minnhom iċ-ċittadini tal-Unjoni” hekk kif jistipula l-Artikolu 15(3) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali.

8.11

It-trattament ugwali fix-xogħol jirreferi għall-kondizzjonijiet tax-xogħol, is-salarju, il-ħlas tat-tluq mix-xogħol, is-saħħa u s-sigurtà professjonali u d-dritt tat-trade union u l-istrike. Jirreferi wkoll għat-trattament ugwali fir-rigward ta' drittijiet soċjali fundamentali oħra bħall-assistenza fir-rigward tas-saħħa, id-drittijiet tal-pensjoni, il-protezzjoni f’każ ta' qgħad u t-taħriġ.

8.12

Il-KESE jinnota b’inkwiet li r-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza qegħdin jikbru fl-Ewropa. Il-Kumitat iqis b’mod pożittiv l-attivitajiet tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

8.13

Il-KESE jqis li wħud mill-proġetti ta' migrazzjoni huma temporanji u f’ċerti każijiet ċirkolari, iżda l-esperjenza turi li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-intenzjoni li wieħed jemigra tkun permanenti jew għal żmien twil, u għalhekk jeħtieġ li l-politiki u l-leġislazzjoni Ewropea jippromovu dejjem ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà tal-istatus legali tal-immigranti, l-integrazzjoni u r-riunifikazzjoni tal-familja.

8.14

L-UE u l-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw mal-pajjiżi ta' oriġini sistemi ta' immigrazzjoni ċirkolari li jiffaċilitaw l-immigrazzjoni permezz ta' proċeduri trasparenti. Il-KESE jappoġġja s-sħubijiet għall-mobbiltà li ġew konklużi ma' ċerti pajjiżi ta' oriġini. Iżda l-Kumitat jipproponi li l-ftehimiet ikunu bbilanċjati sabiex ikunu pożittivi għall-partijiet involuti kollha: għall-immigranti, għall-pajjiżi ta' oriġini u għall-UE.

8.15

Sabiex is-sistema ta' immigrazzjoni ċirkolari tkun tista’ taħdem sewwa hemm bżonn li l-leġislazzjoni Komunitarja toffri permessi qosra, flessibbli ħafna, flimkien ma' proċeduri ta' ritorn u garanziji għal negozjati ġodda matul diversi snin sussegwenti. B’dan il-mod ħafna mill-immigranti jkunu jistgħu jużaw il-mezzi legali u ma jibqgħux fl-Ewropa b’mod irregolari meta jinħareġ il-permess ta' residenza.

8.16

Il-KESE jipproponi li jinħarġu permessi temporarji frekwenti ta' bejn tlieta u disa’ xhur li jkunu jistgħu jiġġeddu għal tlieta, erbgħa jew ħames snin. Dawn il-proċeduri jeħtieġu riżorsi finanzjarji u loġistiċi u l-kollaborazzjoni bejn il-ħaddiema u l-awtoritajiet tal-Istati ta' oriġini u ta' akkoljenza, kif ukoll tat-trade unions.

8.17

Il-Kumitat jixtieq javża li l-immigrazzjoni ċirkolari xxekkel l-istabbliment soċjali u l-integrazzjoni, ma tħeġġiġx l-iżvilupp ta' impenn bejn il-ħaddiema u l-intrapriżi u lanqas il-parteċipazzjoni fit-trade unions. Tikkomplika wkoll it-taħriġ.

8.18

Il-proċeduri ta' ammissjoni temporanja jistgħu jinkludu ftehimiet ta' taħriġ u ta' rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali. B’hekk l-immigranti temporanji li jaħdmu fl-Ewropa jkunu jistgħu jtejbu l-kwalifiki professjonali tagħhom u jkollhom opportunitajiet ta' xogħol usa’ meta jmorru lura f’pajjiżhom.

8.19

L-immigranti li għandhom status permanenti taħt id-Direttiva dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul  (23) jitilfu l-istatus legali tagħhom meta jitilqu għal iktar minn 12-il xahar.

8.20

Sabiex tiffaċilita l-moviment tal-immigranti u l-inizjattivi intraprenditorjali u professjonali fil-pajjiż ta' oriġini, il-leġislazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha tippermetti ż-żamma fuq perijodu twil (mill-inqas tliet snin) tad-dritt għar-residenza permanenti u li r-ritorn ma jwassalx għat-telf tal-permess tax-xogħol u r-residenza fl-Ewropa.

8.21

Jeħtieġ li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-pensjoni miksuba fl-UE sabiex jiġu nnegozjati ftehimiet ta' reċiproċità mal-pajjiżi ta' oriġini, kif ukoll li tiġi rratifikata l-Konvenzjoni Nru 157 tal-ILO.

8.22

Il-Kumitat jipproponi li l-Istati Membri tal-UE jirratifikaw il-Konvenzjonijiet Nru 97 u 143 tal-ILO dwar il-ħaddiema immigranti. Bl-istess mod l-Istati Membri tal-UE għandhom jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali (24) dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema immigranti kollha u l-familji tagħhom, hekk kif il-KESE ppropona f’Opinjoni fuq inizjattiva proprja (25).

9.   Il-kollaborazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini

9.1

Il-KESE ppropona (26) li fl-ambitu tal-politika esterna l-UE tippromovi qafas legali internazzjonali għall-migrazzjonijiet.

9.2

Bħalissa l-UE ssieħbet f’diversi strumenti ta' viċinat u assoċjazzjoni. Il-KESE jqis li fil-ftehimiet imsemmija għandu jissaħħaħ il-kapitolu dwar l-immigrazzjoni u l-mobbiltà. Huwa importanti li jitnedew il-ftehimiet dwar il-mobbiltà bejn l-UE u l-pajjiżi ta' madwarna li magħhom diġà għandna rabtiet ta' kollaborazzjoni ekonomika u politika.

9.3

Il-Kumitat adotta żewġ Opinjonijiet (27) fejn ippropona li l-immigrazzjoni fl-Ewropa tiffavorixxi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-pajjiżi ta' oriġini.

9.4

It-taħriġ fil-pajjiżi ta' oriġini jista’ jiffaċilita l-politika tal-immigrazzjoni u jgħin biex ikun hemm ġestjoni tal-immigrazzjoni bil-kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti professjonali tal-intrapriżi Ewropej.

9.5

Il-KESE jipproponi li jiġu ffirmati ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiżi ta' oriġini biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u ta' taħriġ fil-pajjiżi ta' oriġini.

9.6

Għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-UE u l-Istati Membri jiffinanzjaw il-programmi ta' taħriġ fil-pajjiż ta' oriġini u b’hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' strutturi ta' taħriġ ta' kwalità. Il-kwalifiki miksuba permezz ta' dawn il-programmi għandhom jiġu rikonoxxuti bħala kwalifiki Ewropej. Dawn il-programmi ta' taħriġ għandhom ikunu akkumpanjati minn proċedura rapida għall-ksib ta' permess tax-xogħol u ta' residenza.

10.   Il-politiki ta' integrazzjoni

10.1

L-Aġenda Ewropa 2020 tinkludi l-integrazzjoni fost l-għanijiet tagħha. L-integrazzjoni hija proċess soċjali bidirezzjonali ta' adattament mutwu li jiżviluppa fir-relazzjonijiet kumplessi bejn il-persuni u l-gruppi. Il-proċessi ta' integrazzjoni jiżviluppaw bil-mod fl-istrutturi tas-soċjetà (fil-familja, fl-iskejjel u l-universitajiet, fl-inħawi ta' madwar id-dar u fl-irħula, fil-post tax-xogħol, fit-trade unions, fl-organizzazzjonijiet intraprenditorjali, fl-istituzzjonijiet reliġjużi, kulturali u sportivi, eċċ.).

10.2

Frott il-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-KESE, ġie stabbilit il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni sabiex is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-immigranti jipparteċipaw fil-politiki ta' integrazzjoni tal-UE.

10.3

Il-KESE fassal diversi opinjonijiet biex jistimola l-politiki tal-integrazzjoni u ħoloq Grupp Permanenti biex jippromovi l-integrazzjoni u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Forum.

10.4

Il-KESE adotta Opinjoni fuq inizjattiva proprja ġdida (28) intitolata “L-integrazzjoni u l-Aġenda Soċjali”, sabiex fil-qafas tal-Aġenda Ewropa 2020, fl-Aġenda Ewropa l-ġdida għall-politika soċjali, jissaħħaħ l-għan tal-integrazzjoni billi tingħata iktar attenzjoni lill-impatt soċjali tal-immigrazzjoni, is-sitwazzjoni tal-immigranti fis-suq tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-faqar, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

10.5

Il-Presidenza Spanjola talbet ukoll li l-KESE jħejji Opinjoni esploratorja dwar “L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti”. L-Opinjoni (29) tanalizza l-importanza għall-integrazzjoni tal-impjieg u tal-ugwaljanza fil-kondizzjonijiet tax-xogħol, fl-opportunitajiet u fit-trattament. Tinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet għall-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali kif ukoll għall-imsieħba soċjali.

10.6

Il-Konferenza tal-Ministri li saret f’Zaragoza fil-15 u s-16 ta' April 2010 talbet lill-Kummissjoni tfassal aġenda ġdida għall-integrazzjoni. Il-KESE qiegħed jipparteċipa fit-tfassil ta' dokument ta' informazzjoni intitolat “L-isfidi ġodda tal-integrazzjoni” li fih qiegħed jiġi propost li fl-aġenda l-ġdida tissaħħaħ il-parteċipazzjoni ċivika tal-persuni minn sfond ta' immigrazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess demokratiku.

10.7

L-approċċ bidirezzjonali jeħtieġ impenji ġodda min-naħa tal-gvernijiet sabiex il-liġijiet nazzjonali jiffaċilitaw l-għoti taċ-ċittadinanza lill-immigranti li jitolbuha u sabiex il-proċedura tkun trasparenti.

10.8

Il-KESE fassal Opinjoni (30) fuq inizjattiva proprja diretta għall-Konvenzjoni li fasslet it-Trattat Kostituzzjonali, sabiex tingħata ċ-ċittadinanza Ewropea lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom statut ta' resident għal perijodu twil.

10.9

Flimkien mal-isfida demografika, l-UE u l-Istati Membri jridu jħabbtu wiċċhom ma' sfida politika u soċjali kbira, dik tal-integrazzjoni ta' ċittadini ġodda li jkollhom l-istess drittijiet u obbligi, u għalhekk id-drittijiet ta' ċittadinanza nazzjonali u Ewropea għandhom jinkludu lill-persuni minn sfond ta' immigrazzjoni li joħolqu diversità etnika, reliġjuża u kulturali kbira fl-Ewropa.

11.   L-immigranti f’sitwazzjoni irregolari

11.1

Il-KESE jixtieq ifakkar li fl-UE jgħixu mijiet ta' eluf ta' persuni li jinsabu f’sitwazzjoni amministrattiva irregolari. Dawn huma l-persuni jaħdmu fi ħdan l-ekonomija informali u l-impjieg irregolari u li huma “inviżibbli” fis-soċjetà uffiċjali u ma jistgħux jużaw id-drittijiet fundamentali tagħhom.

11.2

Fid-dokument tal-Grupp ta' Esperti Ewropa 2030 qiegħed jiġi propost li “jiġu armonozzati d-drittijiet tal-immigranti illegali fl-UE kollha”. Il-KESE jaqbel ma' din il-proposta.

11.3

Hekk kif il-KESE pproponoa f’Opinjonijiet oħra (31), għandha tiġi ffaċilitata r-regolarizzazzjoni personali tal-immigranti irregolari bil-konsiderazzjoni tal-istabbiliment professjonali u soċjali tagħhom, fuq il-bażi tal-Kompromess tal-Kunsill tal-UE fil-qafas tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (32).

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Data provviżorja tal-Eurostat dwar is-sitwazzjoni fl-1 ta' Jannar 2009.

(2)  Ikkalkulat fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat għall-perijodu bejn l-1999 u l-2009, fl-1 ta' Jannar ta' kull sena.

(3)  Ikkalkulat fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat għall-perijodu bejn l-1999 u l-2008 (għadd ta' trabi mwielda anqas imwiet).

(4)  Definita bħala l-proporzjon bejn in-numru totali ta' persuni li għandhom inqas minn 15-il sena u 65 jew aktar u n-numru ta' persuni li għandhom bejn 15 u 64 sena.

(5)  Numru medju ta' tfal għal kull mara fis-sena, miksub billi jingħaddu flimkien ir-rati tal-fertilità skont l-età.

(6)  Il-mortalità tat-trabi tqis il-mewt ta' trabi li jitwieldu ħajjin u jmutu sa ma jagħlqu sena.

(7)  Ikkalkulat permezz ta' din l-ekwazzjoni (bilanċ migratorju = popolazzjoni 2009 – popolazzjoni 1999 – tkabbir naturali 1999-2008).

(8)  Skont iċ-ċifri tal-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol.

(9)  Stima bbażata fuq ir-rati ta' attività medji tal-aħħar tliet xhur tal-2007 u l-ewwel tliet xhur tal-2008.

(10)  Idem 9.

(11)  COM(2010) 2020 finali.

(12)  COM(2009) 674 finali.

(13)  COM(2010) 365 finali.

(14)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cmsUpload/mt_web.pdf.

(15)  Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta' Mejju tal-2009 dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjieg bi kwalifiki għoljin.

(16)  COM(2007) 638 finali.

(17)  COM(2010) 379 finali.

(18)  COM(2010) 378 finali.

(19)  Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE.

(20)  Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE.

(21)  ĠU C 80, 03.04.02, p. 37.

(22)  ĠU C 128, 09.05.2010, p. 29.

(23)  Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul.

(24)  Approvata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fir-riżoluzzjoni tagħha 45/158 tat-18 ta' Diċembru 1990.

(25)  ĠU C 302, 7.12.2004, p.49.

(26)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91.

(27)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 82 u ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91.

(28)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 19.

(29)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 16.

(30)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja, ĠU C 208, 3.9.2003, p. 76 (mhux disponibbli bil-Malti).

(31)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 16.

(32)  Kunsill tal-UE, 13440/08, 24 ta' Settembru 2008.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impjiegi ekoloġiċi”

2011/C 48/04

Relatur: is-Sur IOZIA

F’ittra tas-7 ta’ Ġunju 2010, is-Sinjura Joëlle Milquet, il-Viċi Prim Ministru u Ministru tax-Xogħol u l-Ugwaljanza, responsabbli mill-politika tal-immigrazzjoni u l-ażil, f’isem il-Presidenza futura tal-Belġju tal-Kunsill tal-UE u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

L-impjiegi ekoloġiċi.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tas-16 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’142 vot favur, 3 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Proposti u rakkomandazzjonijiet

1.1

Peress li huwa mistenni li s-setturi kollha jagħtu kontribut importanti ħafna biex jitnaqqsu l-gassijiet b’effett ta’ serra, il-KESE l-ewwelnett jixtieq jippreċiża li d-diskors għandu jkun dwar “impjiegi li jridu jsiru aktar ekoloġiċi” aktar milli “impjiegi ekoloġiċi”.

1.2

Ta’ spiss, l-Unjoni tistabbilixxi objettivi ambizzjużi iżda tonqos milli tindika l-istrumenti u r-riżorsi neċessarji. Anke fil-każ tal-“impjiegi li jridu jsiru aktar ekoloġiċi”, intqal ħafna kliem iżda ftit li xejn ittieħdu inizjattivi konkreti. Il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament iridu jwaqqfu pjan Ewropew għall-promozzjoni tal-impjiegi ekoloġiċi u f’dan ir-rigward il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ bi ħġaru l-inizjattiva tal-Presidenza Belġjana li għamlet din il-kwistjoni waħda mill-prijoritajiet tagħha. Għalhekk din tista’ tkun risposta importanti ħafna għall-kriżi tal-qgħad li qed tolqot lill-Ewropa kollha.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tħejji komunikazzjoni speċifika dwar “Il-promozzjoni tal-impjiegi li jridu jsiru aktar ekoloġiċi”, fuq il-bażi tal-analiżi tad-data li qiegħda titħejja bħalissa mill-Kumitat tal-FSE u tad-dokument ta’ ħidma li qiegħed jitħejja mid-DG EMPL. Din il-kwistjoni tant hija strateġikament importanti li jistħoqqilha diskussjoni vasta u profonda.

1.4

Il-KESE jinsab konvint li l-Unjoni Ewropea tista’ tagħti kontribut essenzjali biex tiddefinixxi strumenti u objettivi komuni u tgħin lill-Istati Membri b’potenzjal ekonomiku u teknoloġiku baxx sabiex, flimkien mal-Istati Membri l-oħra, jilħqu l-objettivi stabbiliti. Il-politiki kollha tal-Unjoni għandhom jiffavorixxu l-ħolqien ta’ impjiegi aktar ekoloġiċi.

1.5

Il-fondi strutturali u ta’ koeżjoni li jintużaw għal dan il-għan, hekk kif jiġu definiti l-possibbiltajiet konkreti għall-użu u t-trasferiment tagħhom, bla dubju jistgħu jgħinu sabiex jiġu ffaċċjati l-bżonnijiet finanzjarji konsiderevoli involuti. Politika ċara f’dan il-kuntest tista’ tikkontribwixxi biex il-prospettivi għall-impjiegi ekoloġiċi jsiru aktar konkreti. Il-programm finanzjarju li jmiss (2014-2020) għandu jqis dan il-bżonn urġenti u jadatta r-riżorsi disponibbli fid-diversi fondi strutturali, bl-użu ta’ approċċ olistiku, waqt li jiġu prijoritizzati l-effettività u l-effiċjenza tal-programmi

1.6

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu rwol kruċjali x’jaqdi. Sabiex tiġi appoġġjata l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-objettivi tagħha ta’ “tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, jeħtieġ li jerġa’ jitfisser ir-rwol tal-FSE u jiġi ffokat aktar fuq il-prijoritajiet konkreti u koerenti f’konformità mal-istrateġija l-ġdida. F’Ġunju ta’ din is-sena, il-Kumitat tal-FSE ħareġ opinjoni dwar il-futur tal-FSE fejn ġie enfasizzat il-bżonn li l-FSE jiġi orjentat lejn it-tisħiħ tal-impjiegi, b’referenza ċara għall-impjiegi ekoloġiċi. Il-KESE ma jqisx indispensabbli li jinħoloq is-sitt pilastru tal-FSE ddedikat għall-impjiegi ekoloġiċi, iżda pjuttost li r-riżorsi jiġu allokati b’mod partikulari lill-attivitajiet kollha li jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-marka ekoloġika.

1.7

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jista’ jirrappreżenta strument utli li għandu jintuża biex jiġu ffaċċjati l-bżonnijiet finanzjarji marbutin mal-programmi li jappoġġjaw it-taħriġ professjonali mill-ġdid, waqt li titjieb l-aċċessibbiltà, li s’issa għadha limitata għall-impriżi b’tal-inqas 500 impjegati, billi dan in-numru jitnaqqas għal 50 impjegat.

1.8

Il-KESE jqis li l-kunsilli settorjali Ewropej dwar l-impjiegi u l-ħiliet huma inizjattiva eċċellenti li jistħoqqilha li tiġi sostnuta. Fil-fatt dawn “għandhom jipprovdu għajnuna kruċjali fil-proċess tal-kontroll tal-bidliet settorjali u, b’mod partikulari, jantiċipaw l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-ħtiġijiet għall-impjiegi u l-ħiliet u l-adattament tal-ħiliet għall-provvista u d-domanda.” Dawn il-kunsilli għandhom jistrieħu fuq ir-riżultati li jinkisbu minn inizjattivi bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF), is-Sistema Ewropea għat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni tal-Kreditu (ECTS), is-Sistema Ewropea tal-Kreditu għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni Vokazzjonali (ECVET), il-Qafas Ewropew ta’ Referenza għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQARF) u l-Europass, u jikkontribwixxu biex dawn jiżviluppaw aktar (1).

1.9

Il-ħolqien ta’ “Fond sovran Ewropew”, amministrat mill-BEI, li diġà qed jagħmel xogħol eċċellenti billi jappoġġja l-inizjattivi favur l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, kif ukoll il-kontribut finanzjarju għall-investimenti li nkiseb ftehim dwarhom fil-qafas tal-Patt tas-Sindki (Convenant of Mayors) jistgħu jkunu tweġiba għall-problemi marbuta mad-diffikultà enormi biex jinsab il-kapital fis-swieq, problemi li attwalment tista’ tgħid li m’hemmx soluzzjoni għalihom.

1.10

Il-KESE jqis li jeħtieġ pjan “Marshall” ġdid għall-ambjent u s-sostenibbiltà soċjali, fl-interess ta’ żvilupp ġdid kompatibbli mal-kapaċità tal-pjaneta tagħna li żżomm il-livell tagħha ta’ entropija, jiġifieri “t-tixjiħ tagħha”, intatt kemm jista’ jkun. Pjan Ewropew straordinarju fil-fatt jagħti l-idea ta’ tibdil radikali li għandna naffaċċjaw kemm jista’ jkun malajr, sabiex jinħoloq tkabbir differenti, li jirrispetta l-ambjent, li jkun sostenibbli u li jikseb il-progress skont l-għan tat-trattati. B’hekk ikun jista’ jingħata kontribut lid-diskussjoni dwar ir-riċerka tal-indikaturi f’“Lilhinn mil-PDG”.

1.11

Huwa tassew importanti li ċ-ċittadini jkunu konxji tal-bżonn ta’ politika ekonomika sostenibbli, permezz ta’ informazzjoni korretta u fil-ħin. Eżempju tajjeb ta’ sostenn għall-informazzjoni pubblika huwa l-programm Life+, li l-KESE jitlob li jiġi estiż ukoll għall-perijodu finanzjarju li jmiss 2014-2020.

1.12

Il-ġestjoni tat-transizzjoni mill-mudell antik ta’ żvilupp għall-mudell il-ġdid jippreżenta bla dubju l-kompitu essenzjali, li għandu jinvolvi l-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. Fil-kuntest tad-djalogu soċjali bejn il-konfederazzjonijiet u s-setturi, jeħtieġ li jiġu previsti proġetti speċifiċi li jantiċipaw l-effetti tal-bidla fuq is-sistemi ta’ produzzjoni tad-diversi setturi kkonċernati. L-intrapriżi jeħtieġu jiżviluppaw djalogu kontinwu bejn l-imsieħba soċjali, jistabbilixxu objettivi ċari fir-rigward tal-bżonnijiet ta’ ħiliet, tal-progress fil-kompetenzi u tal-iżviluppi antiċipati. Hemm bżonn kbir ta’ politika serja dwar il-valutazzjoni tal-impatt essenzjali fir-rigward tal-valutazzjoni tal-pjani dwar l-enerġija u l-klima, li għandhom rabta mal-leġislazzjoni Ewropea u dik nazzjonali.

1.13

Il-politiki ta’ żvilupp tal-attivitajiet b’kontenut baxx ta’ emissjonijiet ser iġibu magħhom ħafna possibbiltajiet ġodda għall-impjieg, iżda min-naħa l-oħra jista’ jagħti l-każ li jintilfu ħafna impjiegi waqt il-perijodu ta’ transizzjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li jitfasslu fil-ħin strumenti adegwati ta’ appoġġ għad-dħul u ta’ bdil tal-karrieri. Għal dan il-għan, ir-rwol tal-imsieħba soċjali u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa essenzjali. Barra minn hekk huwa importanti li ssir enfasi fuq ir-riċerka u l-iżvilupp sabiex naraw ’il fejn sejjer l-iżvilupp tekniku u fejn qed jiżviluppaw oqsma ta’ impjiegi ġodda.

1.14

Il-politiki baġitarji naqqsu, f’xi każi b’mod drastiku, l-inċentivi u l-finanzjamenti u b’hekk wasslu għal tnaqqis fl-impjiegi, bħalma ġara fis-settur tal-enerġija mir-riħ u fotovoltajka fi Spanja. Tkun ħaġa tajba li l-investiment pubbliku u l-qafas leġislattiv jibqgħu stabbli, b’tibdil prevedibbli u possibilment li jiġu maqbula f’livell globali, sabiex l-intrapriżi privati jkunu jistgħu jippjanaw b’mod stabbli.

1.15

L-iżvilupp u r-riċerka huma l-prijoritajiet strateġiċi li għadhom s’issa jservu bħala s-sisien tal-istrateġija tat-tkabbir tal-Unjoni. L-Istrateġija “Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” issaħħaħ l-objettiv li tal-inqas 3 % tal-PDG annwali jiġu investiti fir-riċerka u l-iżvilupp.

1.16

Tal-inqas 50 % tal-fondi li ġejjin mill-bejgħ tal-ETS għandhom jiġu investiti sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tiġi promossa l-ekonomija ekoloġika. Jeħtieġ li r-riżorsi tal-intrapriżi l-aktar responsabbli għall-emissjonijiet jiġu trasferiti lejn dawk l-intrapriżi li, bil-kontra, jikkontribwixxu għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Fir-rigward tas-setturi bħat-trasport bl-art u bil-baħar li mhumiex koperti mill-ETS, jeħtieġ li jittieħdu miżuri alternattivi.

1.17

Il-promozzjoni tal-impjiegi ekoloġiċi (fil-fehma tal-KESE, ikun aħjar li jintuża l-kunċett ta’ impjiegi sostenibbli għal ekonomija sostenibbli) għandha tuża taħlita ta’ miżuri ta’ inċentivi u sanzjonijiet, fuq il-mudell tal-ETS, li għandhom iwasslu biex jiġu pprovduti r-riżorsi meħtieġa mingħajr piż żejjed fuq il-finanzi pubbliċi li diġà jinsabu f’qagħda tassew imwiegħra. Dan il-punt dwar ir-riżorsi ta’ finanzjament ser ikun kruċjali u jeħtieġ li l-partijiet kollha jkunu involuti, peress li l-Istrateġija UE 2020 u l-programmi ta’ għajnuna ma jistgħux jiffunzjonaw jekk l-Istati Membri ma jkollhomx marġni ta’ flessibbiltà baġitarja. L-intrapriżi li ser jimpenjaw ruħhom biex isaħħu l-kwalità tal-impjiegi u jipproduċu b’mod sostenibbli għandhom jitħeġġu u jiġu sostnuti. Dawn jeħtieġu qafas regolatorju ċar, stabbli u idealment b’regoli li jsir ftehim fuqhom fil-livell globali. Soluzzjoni kondiviża u rapida tal-problema tal-brevett Ewropew mingħajr dubju ser tkun pass fid-direzzjoni t-tajba.

1.18

Il-fondi pubbliċi għandhom l-ewwel nett jiġu diretti lejn l-għajnuna għal dawk li jiffaċċjaw il-qgħad fil-kategorija tal-“impjiegi mhux ekoloġiċi”, jiġifieri l-impjiegi li jipproduċu livell għoli ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u ta’ tniġġis. Persentaġġ sinifikanti ser ikollu jintuża għat-tħejjija professjonali, permezz ta’ taħriġ adegwat mogħti tul il-ħajja.

1.19

Il-KESE jqis li jkun utli li jiġi adottat il-mudell “KEFA”, li kien użat biex tiġi ġestita transizzjoni daqstant important, dik tal-faħam għaż-żejt, waqt li jiġi kkunsidrat il-progress li sar sadanittant. Dan il-mudell inkluda involviment qawwi mill-imsieħba soċjali, li l-KESE jħoss li għandu jkollhom rwol prinċipali fil-bidla radikali mistennija, u inkluda wkoll pjani għall-għajnuna sostenibbli.

1.20

Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtieġa li n-nisa jingħataw opportunitajiet indaqs fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ iżda wkoll rigward il-livell ta’ ħlas u l-kwalifiki. B’mod partikolari, jeħtieġ li nibdew nitkellmu dwar taħriġ bażiku fl-ekonomija ekoloġika u edukazzjoni dwar l-ambjent. Barra minn hekk, id-djalogu soċjali għandu jaqdi rwol ewlieni fil-qasam tat-taħriġ kontinwu fl-ekonomija ekoloġika.

1.21

Fir-rigward tal-enerġiji rinnovabbli, pereżempju, filwaqt li n-numru ta’ nisa li jwettqu kompiti amministrattivi f’dan il-qasam huwa sostanzjalment l-istess bħan-numru ta’ rġiel, dan in-numru jinżel għal persentaġġ minimu fil-każ ta’ kompiti li għandhom kontenut aktar professjonali u ta’ teknoloġiji ta’ installazzjoni u manutenzjoni.

1.22

F’waħda mill-opinonijiet tiegħu, il-KESE enfasizza r-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ f’soċjetà b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u għal dan il-għan iffirma protokoll ta’ kooperazzjoni mal-Fondazzjoni Nazzjonali Carlo Collodi, intitolat “Proġett Pinokkju”. L-għan hu li l-pupazz tal-injam jintuża bħala simbolu fil-kampanji Ewropej favur l-edukazzjoni enerġetika u ambjentali (2).

1.23

It-taħriġ għandu jiġi offrut mill-iskejjel u s-servizzi pubbliċi tal-impjieg.

1.24

Jeħtieġ li tingħeleb id-diskrepanza bejn il-bżonnijiet professjonali u l-provvista ta’ taħriġ billi l-atturi kkonċernati jaħdmu aktar mill-qrib ma’ xulxin. Esperti tal-imsieħba soċjali fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali, rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi inkarigati mis-servizzi tal-impjieg u rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jingħaqdu fl-isforzi tagħhom, fi ħdan kunsilli permanenti mxerrda fit-territorju kollu, sabiex jidentifikaw minn kmieni l-bżonnijiet professjonali u dawk fil-qasam tat-taħriġ.

1.25

Sistema Ewropea għaċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet tista’ tħeġġeġ aktar liż-żgħazagħ jersqu lejn attivitajiet aktar sostenibbli u b’mod speċjali tista’ tiftaħ prospettiva ta’ suq tax-xogħol Ewropew billi permezz tagħha jkun hemm applikazzjoni effettiva tad-dritt għall-mobbiltà, l-aktar eżempju ċar ta’ dritt li fil-prattika huwa miċħud minħabba sistemi edukattivi u ta’ taħriġ li mhumiex adatti u armonizzati biżżejjed. Il-proġett ESCO (il-Qafas Ewropew ta’ Kapaċitajiet, Kompetenzi u Xogħol) ser ikun strument fundamentali biex jiġu armonizzati d-domanda u l-offerta, b’mod partikulari fil-kuntest ta’ l-hekk imsejħa “impjiegi ġodda”. Għandu jitħeġġeġ ukoll l-involviment tan-netwerk EURES (mobbiltà intra-Ewropea).

1.26

L-intrapriżi u t-trejdjunjins għandhom ir-responsabbiltà jagħtu direzzjoni lill-attivitajiet ta’ taħriġ u jikkooperaw b’mod kontinwu sabiex jinkisbu l-aħjar riżultati. F’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, din il-kooperazzjoni hija istituzzjonalizzata permezz tal-istituti bilaterali jew istituti ta’ taħriġ vokazzjonali distinti li jaħdmu f’kooperazzjoni kontinwa. Dawn l-eżempji għandhom jixxerrdu permezz ta’ programm speċifiku tal-Istrateġija Ewropa 2020 li jkun jinkludi l-għarfien fost l-ewwel tliet prijoritajiet.

1.27

Id-djalogu soċjali u ċivili għandu rwol x’jaqdi. Mingħajr il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-ebda programm bil-għan li jwettaq tibdil ta’ ambitu hekk wiesa’ ma jista’ jiġi implimentat. L-imsieħba soċjali jistgħu jimpenjaw ruħhom b’mod sostenibbli biex jagħmlu l-impjiegi kollha “ekoloġiċi”. L-objettivi fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-iffrankar jistgħu jiġu integrati fi ftehimiet kummerċjali, sabiex parti mill-iffrankar li jkun sar tabilħaqq jitqassam bħala bonusijiet kollettivi. Xi eżempji ta’ dan it-tip diġà jinstabu fir-Renju Unit u f’pajjiżi oħra.

1.28

Jekk irridu li s-soċjetà kollha timxi lejn ekonomija sostenibbli, jeħtieġ li jiġu stabbiliti objettivi ċari, li l-informazzjoni tixxerred tajjeb, li titwettaq koeżjoni soċjali u politika bażika u li jintlaħaq ftehim dwar liema għodod għandhom jintużaw. L-Unjoni tista’ taqdi rwol fundamentali, permezz ta’ leġislazzjoni ta’ appoġġ, bħalma huwa fil-fatt il-Pakkett dwar il-Klima, iżda l-ewwel u qabel kollox billi tipproponi mod koerenti ta’ djalogu u diskussjoni li għandu jkun applikat fil-livell nazzjonali u lokali. Hemm bżonn dejjem akbar li jissaħħaħ ir-rwol ta’ politika komuni fis-settur enerġetiku u ambjentali. Il-KESE diġà esprima ruħu favur servizz pubbliku Ewropew tal-enerġija (3). Fid-dawl tad-diffikultajiet enormi li dan iġib miegħu, ikun aħjar li, fuq kollox, ikun hemm sistema ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-enerġija, pereżempju billi l-ewwel nett tiġi stabbilita l-interkonessjoni bejn in-netwerks u billi jixxerrdu gradwalment in-netwerks intelliġenti li jistgħu jkunu ta’ għajnuna prezzjuża biex tiġi solvuta l-kwistjoni tal-ġestjoni tad-distribuzzjoni tal-enerġija. Il-KESE, il-CNEL (Kunsill Nazzjonali tal-Ekonomija u x-Xogħol) Taljan u l-KES ta’ Franza u Spanja qegħdin iħejju proposta komuni dwar din il-kwistjoni. Rigward l-użu dejjem akbar tal-enerġija rinnovabbli, minbarra l-iżvilupp tan-netwerks għandha tiġi solvuta b’mod partikolari l-kwistjoniji tal-ħżin.

1.29

Iċ-ċittadini għandhom ikunu konvinti mill-importanza tat-tibdil li ser ikollhom jiffaċċjaw. Dan it-tibdil jirrikjedi mobilizzazzjoni ta’ enerġija u ta’ riżorsi fuq skala li tirrifletti n-natura straordinarja tal-perijodu li għaddejjin minnu bħalissa; jitlob ukoll li nabbandunaw gradwalment ċerti mudelli ta’ konsum u ta’ żvilupp sabiex nadottaw mudelli oħrajn, aktar għaqlin, aktar umani u li jirrispettaw aktar in-natura.

1.30

L-għoti ta’ informazzjoni liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet kif ukoll l-involviment tagħhom jaqdu rwol fundamentali. Informazzjoni tajba tista’ tħalli riżultati rimarkabbli jekk tkun akkumpanjata minn objettivi ċari u trasparenti.

1.31

Il-politiki ta’ adattament mhumiex immirati biss lejn l-individwi, il-ħaddiema u l-maniġers, iżda wkoll lejn l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi. Tassew jeħtieġ li niksbu aktar b’anqas riżorsi. Fil-qasam tal-enerġija, dan ifisser li trid tonqos l-intensità enerġetika (unità tal-enerġija għal kull unità ta’ PDG) u titjieb b’mod kontinwu l-EROEI (l-enerġija miksuba għall-enerġija investita).

1.33

L-assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi għandhom ukoll rwol importanti x’jaqdu, b’mod partikolari fil-livell nazzjonali, peress li huma kapaċi jxerrdu l-informazzjoni u kultura tan-negozju sostenibbli. It-twaqqif ta’ distretti enerġetiċi sostenibbli u integrati, li fi ħdanhom ikunu jistgħu jiġu żviluppati sinerġiji importanti pereżempju fil-qasam tal-koġenerazzjoni, jirrikjedi l-appoġġ tal-assoċjazzjonijiet u l-kooperazzjoni tagħhom kemm mal-intrapriżi kif ukoll mal-awtoritajiet pubbliċi.

1.34

L-eżempju tal-ġeotermija huwa wieħed ċar. Fl-Isvezja, il-ġeotermija kif ukoll regolamentazzjoni favorevoli setgħu jiġu żviluppati bis-saħħa tal-kontribut deċiżiv tal-intrapriżi u s-sensibilizzazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li ddeċidew li jappoġġjaw it-tixrid tal-pompi tas-sħana. Il-każ tal-Lombardija jipprovdi eżempju simili, billi l-leġislazzjoni ta’ dan ir-reġjun ħeġġet l-intrapriżi jagħżlu soluzzjonijiet b’ċirkuwitu magħluq li jirrispettaw l-ambjent u jiggarantixxu EROEI għolja ħafna.

1.35

Ir-rwol tad-dinja agrikola huwa ta’ importanza fundamentali għall-iżvilupp tal-impjiegi ekoloġiċi. Il-ġenerazzjoni mifruxa tal-enerġija, l-użu tal-bijomassi u t-tnaqqis tal-użu tal-bijoċidi u l-pestiċidi huma l-isfidi l-kbar li trid tiffaċċja d-dinja agrikola.

1.36

Qafas leġislattiv stabbli, parteċipazzjoni kbira mis-soċjetà ċivili, mobilizzazzjoni straordinarja tal-kapital u tar-riżorsi intellettwali, l-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp, programmi ċari fil-qasam tal-għajnuna għat-transizzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ għal soċjetà b’emissjonijiet baxxi, l-appoġġ tal-politiki tal-mobbiltà ekoloġika ġewwa u barra l-bliet, it-tnedija ta’ pjan straordinarju għall-ekonomija sostenibbli ffinanzjat b’mod adegwat mill-fondi Ewropej, il-ħolqien tal-fatturi ta’ tkabbir ġdid: dawn huma l-pilastri ewlenin ta’ azzjoni Ewropea li l-għan tagħha huwa li tappoġġja u tippromovi l-ekonomija sostenibbli u l-impjiegi “ekoloġiċi” li jikkonformaw mal-kriterji Ewropej rigward il-“ħidma tajba” kif definiti mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2007.

2.   Introduzzjoni

2.1

Ħerqana li tintegra din it-tema fost il-prijoritajiet tagħha, il-Presidenza Belġjana futura tal-Unjoni Ewropea stiednet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni dwar il-promozzjoni ta’ politiki dwar l-impjiegi li jkunu utli fil-qafas ta’ transizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

2.2

Il-KESE approva opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar tema simili (4): “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima”. Din l-opinjoni tikkompleta dik ta’ qabilha u tagħti aktar dettalji.

2.3

Il-pubbliku inġenerali sar konxju li huwa indispensabbli li nibdlu fil-fond il-mudell ta’ żvilupp tagħna.

2.4

Sabiex nagħtu tweġiba għall-isfidi ta’:

il-programmi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

it-tibdil fil-klima;

it-tnaqqis gradwali fir-riżervi tal-idrokarburi;

il-ħtieġa li tiżdied l-indipendenza enerġetika;

il-ħtieġa li bil-mod il-mod jinbidlu l-impjanti tal-elettriku qodma u niġġiesa;

is-sostenibbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali,

jeħtieġ li jitfassal programm strateġiku fuq perijodu twil li jittratta l-problemi kollha kkawżati minn din il-bidla radikali.

2.5

Dawn il-politiki ser ikollhom konsegwenzi importanti fuq is-suq tax-xogħol. Is-setturi ewlenin ikkonċernati huma l-kostruzzjoni, it-trasport, l-enerġija u n-netwerks, li ser ikollhom jibdlu l-mudelli tagħhom attwali ta’ produzzjoni b’mod radikali.

2.6

Dawn il-bidliet ser iġibu magħhom problemi serji ta’ adattament u bdil tal-karrieri, kif ukoll ta’ mobbiltà professjonali u territorjali, b’mod partikolari fil-pajjiżi li jiddependu ħafna minn sorsi ta’ enerġija b’emissjonijiet għoljin ta’ gassijiet b’effett ta’ serra (pereżempju ż-żejt u l-faħam) u li għandhom industriji li jikkunsmaw ħafna enerġija (pereżempju s-siment u l-aluminju) u li għalihom id-disponibbiltà tal-enerġija bi prezz aċċessibli hija l-fattur ewlieni għas-sopravivenza ekonomika tal-impjanti eżistenti.

2.7

Sal-2030, huwa mistenni bilanċ pożittiv ta’ aktar minn miljun impjieg fl-Ewropa. Dawn il-previżjonijiet ser ikollhom jiġu aġġornati billi jiġi kkunsidrat l-effett negattiv li għandhom fuq it-tkabbir il-politiki dwar l-istabbilizzazzjoni tad-defiċits pubbliċi, li qed iżommu lura r-rilanċ ekonomiku. S’issa, l-iżvilupp tal-impjiegi ekoloġiċi, b’mod partikolari fis-settur tal-enerija, sab l-appoġġ tal-politiki ta’ għajnuna għall-enerġiji rinnovabbli, l-aktar l-enerġija solari fotovoltajka, termali u mir-riħ; fis-settur tat-trasport bil-karozzi, l-għajnuna ngħatat lill-vetturi ibridi, li jaħdmu bl-elettriku u bil-gass.

2.8

L-inċentivi maħsuba għas-setturi tal-kostruzzjoni ġdida u r-rinnovazzjoni qdew rwol importanti ħafna fl-iżvilupp ta’ industrija sostenibbli li llum il-ġurnata għandha viżjoni ċara tal-impenji futuri iżda wkoll tal-possibbiltajiet ta’ impjiegi li joffru r-rinnovazzjoni tad-djar pubbliċi u privati u r-rinnovazzjoni għal rendiment enerġetiku għoli tal-bini pubbliku użat għall-amministrazzjoni u s-servizzi kif ukoll tal-uffiċċji u l-blokkijiet tal-bini maħsuba għal użu industrijali.

2.9

Għandha tiġi mfittxija u titħeġġeġ forma ġdida ta’ kompetittività. Prodotti innovattivi u li jirrispettaw aktar l-ambjent, proċessi aktar nodfa ta’ produzzjoni u konsum aktar moderat huma l-muftieħ għal ċiklu ġdid ta’ żvilupp u progress. L-Ewropa għadha tixtieq tkompli tokkupa l-ewwel post fil-proċess ta’ bidla lejn ekonomija bl-ebda emissjonijiet. Biex dan jitwettaq trid tgħin lill-industrija żżomm il-kompetittività tagħha, speċjalment l-SMEs, li huma l-aktar f’riskju li jitilfu posthom fis-suq. L-iSmall Business Act irid jitqiegħed fil-prattika, b’mod partikulari fil-qasam tal-kompetizzjoni.

2.10

Minflok jiġu pprattikati politiki ta’ tip diriġist (approċċ minn fuq għal isfel) għandhom fundamentalment jitqiesu l-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tal-intrapriżi u l-ħaddiema (approċċ li jibda minn isfel). Il-Kummissjoni għandha tiffoka aktar f’din id-direzzjoni u tiddefinixxi l-istrateġiji tal-Unjoni b’attenzjoni partikolari għal dawn il-bżonnijiet. L-għan ġenerali għandu jkun il-ħolqien ta’ fatturi li jħeġġu tkabbir ġdid sostenibbli, li jirrispetta l-ambjent iżda fl-istess ħin jiggarantixxi impjiegi u progress.

2.11

Ikun għaqli li jiġu previsti programmi ta’ informazzjoni u skambju dwar l-aħjar prattiki adottati u li għandhom jiġu adottati mal-pajjiżi terzi, b’mod partikolari ċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bilaterali u multilaterali.

3.   L-ekonomija sostenibbli u l-promozzjoni tal-impjiegi ekoloġiċi

3.1

Jekk l-Ewropa trid li jibqa’ jkollha prospettivi għall-ġejjieni fix-xena ekonomika dinjija, jeħtieġ li tkun kapaċi żżomm ir-rwol tagħha bħala mexxejja fil-qasam tal-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, pożizzjoni li diġà tinsab mhedda bit-tkabbir mgħaġġel tal-ekonomiji Asjatiċi, b’mod partikolari ċ-Ċina u t-Tajwan. L-amministrazzjoni Amerikana l-ġdida beħsiebha tnaqqas id-distakk u ssaħħaħ il-potenzjal enormi tagħha bis-saħħa ta’ investimenti kbar fis-settur tal-enerġija. Id-diżastru ekoloġiku tal-pjattaforma Deepwater Horizon, li ġara dan l-aħħar fil-Golf tal-Messiku u li, ironikament, seħħ proprju f’Jum id-Dinja, qiegħed iħaffef id-deċiżjonijiet relatatati mat-transizzjoni lejn ekonomija sostenibbli.

3.2

Il-bżonnijiet professjonali meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-politiki dwar il-klima u dawk ambjentali huma enormi. Is-setturi u l-attivitajiet kollha huma potenzjalment ikkonċernati minn dawn il-politiki. Jeħtieġ li jsir xogħol enormi fir-rigward tal-ippjanar u l-koordinazzjoni, id-definizzjoni tal-prijoritajiet u l-identifikazzjoni tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa. Iżda fuq kollox jeħtieġ politika tajba, flimkien ma’ kapaċità teknika tajba u livell tajjeb ta’ riżorsi umani.

3.3

Is-suq tax-xogħol ser ikollu jiffaċċja l-isfidi ta’ din il-bidla u jipprovdi fl-istess ħin għall-bdil fil-kompiti tal-ħaddiema impjegati fis-setturi l-qodma kif ukoll it-tfassil ta’ kompetenzi professjonali meħtieġa ġodda.

3.4

Is-servizzi pubbliċi tal-impjieg ser ikollhom jipprovdu sforz konsiderevoli sabiex jindirizzaw transizzjoni li ser tikkonċerna mijiet ta’ eluf ta’ ħaddiema. Il-programmi ta’ taħriġ vokazzjonali ta’ kwalità, li jiggarantixxu l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, huma indispensabbli. Ir-rwol tas-servizzi pubbliċi ser ikun essenzjali biex jiġu ggarantiti l-kwalità tal-preparazzjoni, ir-rispett tal-opportunitajiet indaqs u t-tnedija tal-impjiegi.

3.5

L-intrapriżi privati wkoll ser ikollhom jagħmlu sforz kbir biex jappoġġjaw il-qabża teknoloġika li titlob it-transizzjoni minn ekonomija li tuża l-aktar l-idrokarburi bħala sors tal-enerġija lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi tal-gassijiet b’effett ta’ serra, jiġifieri ekonomija sostenibbli.

3.6

L-SMEs, b’mod partikolari, ser ikollhom bżonn ta’ għajnuna u appoġġ. Minkejja r-riżoluzzjonijiet tajba tas-sistema bankarja, l-aċċess għall-kreditu huwa dejjem aktar diffiċli u jqum il-flus u, fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-suq tal-kapital, wieħed ċertament ma jistax jistenna xi disponibbiltà kbira tal-krediti fuq perijodu qasir.

3.7

L-impjiegi li jinħolqu f’ekonomija ekoloġika, skont id-definizzjoni tagħhom, iridu jkunu impjiegi tajbin, ta’ kwalità u b’rimunerazzjoni adegwata. Dan kif jista’ jiġi żgurat? Dan jista’ jseħħ tassew biss permezz ta’ djalogu permanenti u kontinwu bejn l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi. L-użu tal-lieva fiskali, pereżempju, jista’ jikkontribwixxi sabiex jinżamm bilanċ f’sistema li trid tiffaċċja l-kompetizzjoni ħarxa ta’ dawk li għandhom f’idejhom is-sorsi tal-enerġija li qed jintużaw bħalissa u li mhumiex lesti jitilfu s-swieq u l-benefiċċji.

3.8

Mhijiex kwistjoni li l-ispiża kollha tal-bidla tiġi trasferita fuq il-prezzijiet finali; u lanqas mhi kwistjoni li din l-ispiża titħalla għalkollox f’idejn it-taxxa inġenerali. Tal-anqas f’dan is-settur, jeħtieġ li tiġi imposta armonizzazzjoni tal-fiskalità fl-Istati Membri kollha. Il-kriżi reċenti tal-euro turi mill-ġdid il-ħtieġa għal armonizzazzjoni aktar b’saħħitha tat-taxxi u tas-sistemi tat-tassazzjoni.

4.   Ir-rwol tal-Unjoni: il-Fondi Strutturali

4.1

Id-DG EMPL ipprovdiet xi valutazzjonijiet interessanti għal għadd ta’ mistoqsijiet li saru mill-KESE, li huma mniżżlin fil-qosor hawn taħt.

4.2

L-Artikolu 3 tar-regolament ġenerali tal-Fondi Strutturali jinkludi l-iżvilupp sostenibbli fost il-prijoritajiet tal-Komunità u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex fil-programmi tagħhom jinkorporaw it-tkabbir, il-kompetittività, l-impjieg u l-inklużjoni soċjali, waqt li tiġi protetta u titjieb il-kwalità tal-ambjent.

4.3

L-Artikolu 3 tar-regolament tal-FSE jindika li l-istess fond għandu jappoġġja l-inizjattivi li għandhom l-għan li jżidu l-adattabilità tal-ħaddiema, tal-intrapriżi u tal-intraprendituri, waqt li b’mod partikolari jiġu sostnuti l-iżvilupp tal-kwalifiki u tal-ħiliet u t-tixrid tat-teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent.

4.4

Mhux possibbli li jiġu kkwantifikati d-diversi miżuri tal-FSE fil-qasam tal-impjiegi ekoloġiċi u tal-iżvilupp tal-ħiliet, peress li la huma prijorità u lanqas kategorija ta’ nfiq, fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-FSE. Waqt li jqis id-definizzjoni wiesgħa ħafna tal-impjiegi ekoloġiċi (l-impjiegi kollha jistgħu jsiru aktar “ekoloġiċi”), il-KESE ma jqisx li hi essenzjali li tinħoloq is-sitt kategorija speċifika għall-impjiegi ekoloġiċi u minflok jitlob li jissaħħu l-linji gwida relatati mal-programmi ta’ adattament u ta’ ksib ta’ ħiliet ġodda.

4.5

Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina li jiġu emendati l-programmi operattivi eżistenti fil-kuntest tal-perijodu attwali ta’ programmar finanzjarju sabiex il-Fondi Ewropej ikunu jistgħu jipprovdu speċi ta’ “pjan Marshall Ewropew”. Jistgħu jiġu previsti miżuri speċifiċi għall-perijodu li jmiss ta’ programmar li, fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropea 2020, jiggwidaw id-diversi Fondi Strutturali fid-direzzjonijiet adegwati (FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni għall-infrastruttura u d-djar, l-FSE biex jiġu appoġġjati programmi ta’ taħriġ professjonali u l-ksib ta’ ħiliet ġodda).

4.6

Il-perijodu li jmiss ta’ programmar finanzjarju (2014-2020) jista’ jidentifika l-impjiegi li jridu jsiru aktar ekoloġiċi bħala prijorità speċifika fl-istrateġiji tal-FSE, lil hinn mill-prinċipju orizzontali tal-iżvilupp sostenibbli, b’hekk tkun aktar faċli li jiġu promossi l-proġetti rilevanti b’mod konkret u tiġi segwita mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom. Iżda mhux ċert li din hija l-għażla l-aktar effiċjenti. Il-KESE jqis li l-miżuri kollha mfassla biex inaqqsu l-impatt ambjentali u l-marka tas-CO2 għandhom jirċievu appoġġ trasversali. Huwa indispensabbli li l-attivitajiet produttivi kollha u s-servizzi pubbliċi u privati jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-objettivi ta’ tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra u biex it-tniġġis antropiku (li joriġina mill-attivitajiet tal-bniedem) jinżel għal livell iktar sostenibbli.

4.7

Il-Kummissjoni hija impenjata b’mod attiv fl-attivitajiet ta’ riċerka u l-iżvilupp, b’konformità mal-impenji li saru mill-Unjoni. Id-DG EMPL reċentement nediet sondaġġ fi ħdan l-awtoritajiet li jiġġestixxu l-proġetti ffinanzjati mill-FSE u li huma marbutin mal-kompetenzi u l-impjiegi li jridu jsiru aktar ekoloġiċi, b’mod parallel għal studju dwar l-FSE u l-iżvilupp sostenibbli. Dawn id-dokumenti ser jitqassmu u jiġu diskussi fi ħdan il-Kumitat tal-FSE. Il-KESE jixtieq li dawn jistgħu jiġu ppubblikati u integrati f’komunikazzjoni ad hoc tal-Kummissjoni, li tikkunsidra wkoll ir-riżultati tad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar l-impjiegi ekoloġiċi, li qiegħed jitħejja bħalissa mid-DG EMPL. Din il-Komunikazzjoni għandha teżamina d-diversi possibbilitajiet marbuta mal-“promozzjoni tal-impjiegi ekoloġiċi”, bil-għan li jiġu ppreparati d-deċiżjonijiet relatati fil-perijodu li jmiss tal-ipprogrammar finanzjarju.

5.   L-impjiegi mhux ekoloġiċi kontra dawk ekoloġiċi

5.1

It-transizzjoni ser twassal ukoll għal ħafna telf ta’ impjiegi. L-ekonomija soċjali l-ġdida tas-suq tal-Unjoni ma tistax twarrab lill-ħaddiema li ser jintlaqtu mill-bidla. L-inizjattivi li ser ikollhom jittieħdu jinkludu l-possibbiltajiet ta’ bdil tal-karrieri, miżuri ta’ appoġġ għad-dħul u għajnuna għall-appoġġ għall-mobbiltà territorjali. Id-djalogu soċjali fil-livell Ewropew bejn il-konfederazzjonijiet u s-setturi, kif ukoll fil-livell nazzjonali u reġjonali, ser ikollu jiffoka fuq il-ġestjoni antiċipata tat-tibdil sabiex jinkiseb mudell inklużiv ta’ żvilupp.

5.2

Jeħtieġ mudell kooperattiv u parteċipattiv fir-relazzjonijiet industrijali, li għandhom jistabbilixxu objettivi ambizzjużi u kondiviżi sabiex isaħħu s-sistema ekonomika u jtejbu s-sostenibbiltà soċjali u ambjentali tagħha.

5.3

Madankollu, indipendentement mill-impjiegi l-ġodda, essenzjalment jeħtieġ li l-impjiegi l-qodma jinbidlu u jsiru ftit aktar ekoloġiċi, jiġifieri sostenibbli. Għandhom jiġu introdotti programmi għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-intrapriżi kollha u fuq il-postijiet kollha tax-xogħol pubbliċi u privati. Kuxjenza ġdida fir-rigward ta’ konsum aktar meqjus ser tillibera riżorsi li jkunu jistgħu jintużaw għal affarijiet oħra. Ftehimiet bejn it-trejdjunjins dwar objettivi li jistgħu jitkejlu u t-tqassim tal-benefiċċji bejn l-intrapriżi u l-ħaddiema jistgħu jkunu għodod utli sabiex kulħadd isir konxju fuq skala wiesgħa ta’ kemm hu importanti li l-enerġija tiġi ffrankata.

6.   Mobbiltà ġewwa u barra l-bliet

6.1

B’konformità ma’ politika ta’ tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra, il-prijorità għandha tingħata lill-mezzi tat-trasport pubbliku, it-tram, il-karrozza tal-linja, l-underground, kif ukoll it-tren, fil-każ tat-trasport barra mill-bliet. Jekk iċ-ċittadin jiġi skoraġġut milli juża l-karozza tiegħu, speċjalment fil-bliet, tiżdied il-provvista ta’ impjiegi b’rabta mat-trasport pubbliku, li jrid isir dejjem aktar nadif. Il-karozzi tal-linja elettriċi, li jużaw l-idroġenu ekoloġiku jew idrokarburi b’emissjonijiet baxxi bħall-metan, diġà jinsabu fit-toroq tal-bliet kapitali Ewropej. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom responsabbiltà fit-tixrid tat-trasport nadif permezz ta’ sejħiet għall-offerti li jagħtu prijorità lil dan it-tip ta’ trasport.

6.2

L-esperimenti tal-maniġers tal-mobbiltà fl-intrapriżi taw riżultati eċċellenti f’ċerti każijiet; jeħtieġ li dawn jixxerrdu u li l-effiċjenza tagħhom tittejjeb. Hemm bżonn li jiġi ġġeneralizzat ir-rwol tal-“green manager” (kap ekoloġiku), inkarigat mit-tnaqqis tal-impatt ambjentali u tal-emissjonijiet tal-intrapriża, mhux biss fiċ-ċiklu tal-produzzjoni iżda wkoll, pereżempju, fl-uffiċċji, fit-trasport tal-oġġetti prodotti, fil-ksib ta’ materja prima jew nofshom ipproċessati, waqt li jintagħżlu soluzzjonijiet lokali fejn hu possibbli.

6.3

L-Aġenda Diġitali l-ġdida proposta mill-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkontribwixxi wkoll b’mod konsiderevoli għat-tkabbir ekoloġiku, l-ekonomija ekoloġika u l-impjiegi li jridu jsiru aktar ekoloġiċi. F’ħafna każijiet, it-telexogħol jista’ jikkontribwixxi għal impjiegi aktar ekoloġiċi billi jnaqqas l-ispiża tal-enerġija involuta fil-vjaġġi bejn id-dar u l-post tax-xogħol b’mod konsiderevoli. L-imsieħba soċjali Ewropej xi żmien ilu nnegozjaw ftehim qafas f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni għandha ssostni t-telexogħol b’mod effiċjenti, permezz ta’ inizjattivi li jistgħu jwasslu għat-tifrix tiegħu. Il-kampanji ta’ informazzjoni, il-konferenzi, l-istudji dwar l-iżvilupp tal-attivitajiet u l-prattiki t-tajbin jridu jiġu skedati bħala parti mill-azzjonijiet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet. Filwaqt li t-teknoloġiji moderni għandhom jagħmluha possibbli li numru konsiderevoli ta’ attivitajiet professjonali jsiru mid-dar tal-impjegat u li l-prestazzjoni tiffoka aktar fuq il-kwalità milli fuq il-kwantità, hemm bżonn li l-kondizzjonijiet speċifiċi tax-xogħol ta’ dawn l-individwi jiġu eżaminati.

7.   Is-soċjetà ċivili u l-promozzjoni tal-impjiegi ekoloġiċi

7.1

M’hemmx dubju li s-soċjetà ċivili għandha rwol tassew importanti x’taqdi jekk irridu nindirizzaw b’suċċess l-isfida li għandna quddiemna. Il-KESE jinsab konvint li jekk l-awtoritajiet pubbliċi, l-ewwel fosthom l-Unjoni Ewropea, ma jagħmlux ħilithom kollha biex jinvolvu lill-imsieħba soċjali, jagħtuhom rwol attiv u proattiv, jinvolvuhom f’inizjattivi u proġetti u jappoġġawhom sabiex jorganizzaw ruħhom b’mod li jkun favorevoli għal ekonomija sostenibbli, ir-riżultati mhumiex ser jissodisfaw l-istennijiet u l-Ewropa ser titlef darba għal dejjem l-appuntament tagħha mal-progress.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 347, 18.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 15-19.

(3)  ĠU C 175 tat-28.07.2009, p. 43; ĠU C 128 tat-18.05.2010, pp. 65-68; ĠU C 306 tas-16.12.2009, pp. 51-55.

(4)  Ara l-Opinjoni tal-KESE tal- 14 ta’ Lulju 2010 dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ħodor u sostenibbli għall-pakkett tal-UE dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima”, relatur is-Sur Iozia, adottata matul is-sessjoni plenarja tal-14 u l-15 ta’ Lulju 2010.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/21


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni u l-isfidi tal-flotta tat-tonn tropikali tal-Unjoni Ewropea” (Opinjoni esploratorja)

2011/C 48/05

Relatur: is-Sur SARRÓ IPARRAGUIRRE

Fl-20 ta' Jannar 2010, il-Presidenza Spanjola tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Is-sitwazzjoni u l-isfidi tal-flotta tat-tonn tropikali tal-Unjoni Ewropea (opinjoni esploratorja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Awwissu 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (sessjoni tal-15 ta' Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’118-il vot favur, vot wieħed kontra u żewġ astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jemmen li l-istandards għoljin mitluba mis-sistema Komunitarja fl-oqsma soċjali, tas-saħħa, tas-sigurtà tal-ikel, ambjentali, legali, tas-sigurtà marittima, tal-governanza tajba u tal-kontroll huma eżempju eċċellenti ta' kif ir-riżorsi jistgħu jintużaw b’mod razzjonali u sostenibbli.

1.2

Madankollu, l-applikazzjoni ta' dawn il-prinċipji żżid il-prezz ta' prodott li jrid jikkompeti mal-produzzjonijiet ta' pajjiżi oħra li għandhom approċċ inqas strett għal dawn l-aspetti. L-UE għandha tkompli tippromovi l-applikazzjoni ta' dawn l-elementi kollha fil-flotot l-oħra tad-dinja: il-livell għandu jogħla u jkun l-istess kullimkien, filwaqt li l-istandard Ewropew jintuża bħala referenza għall-operaturi l-oħra.

1.3

Il-Kumitat jemmen li l-isfida prinċipali li qed jiffaċċja s-settur Ewropew tat-tonn tropikali hija li jibqa’ jopera f’ambjent ta' kompetizzjoni inġusta min-naħa tal-flotot ta' pajjiżi terzi u b’qafas legali strett li nħoloq mill-UE stess.

1.4

L-isfida tal-Ewropa fil-livell internazzjonali hija li tiġi applikata leġislazzjoni stabbli li tippromovi l-kompetizzjoni ħielsa iżda ġusta. Huwa fundamentali li titfassal politika Ewropea integrata u koerenti f’kull aspett tagħha, u li biha jkunu jistgħu jinżammu l-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-settur tat-tonn tropikali tal-UE fit-tliet aspetti tiegħu: dak ekonomiku, dak soċjali u dak ambjentali, kif inhu definit fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika ffirmata f’Rio de Janeiro fl-1992.

1.5

Rigward il-piraterija, il-Kumitat jitlob lill-Istati Membri u l-Kunsill jagħmlu dak li huwa meħtieġ biex il-mandat tal-Operazzjoni “Atalanta” għall-ġlieda kontra l-piraterija fl-Oċean Indjan ikopri b’mod speċifiku l-protezzjoni tal-flotta tat-tonn.

1.6

Il-KESE jemmen li huwa fundamentali li jinżammu l-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd (FSP) sabiex jissoktaw l-attivitajiet tal-flotta Ewropea tat-tonn tropikali. Għalhekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi n-netwerk ta' ftehimiet dwar is-sajd tat-tonn skont il-ħtiġijiet tal-flotta Ewropea, u tikkunsidra b’mod urġenti l-possibbiltà li ssir eċċezzjoni għall-klawżola tal-esklużività tal-FSP, sabiex il-flotta Ewropea tkun tista’ tikseb ukoll liċenzji privati tas-sajd, dejjem jekk l-istat tar-riżorsi, skont l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli, jippermetti dan.

1.7

Ir-rwol ta' tmexxija tal-UE fl-organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd (ORS) sabiex jiġu promossi l-prinċipji tas-sajd responsabbli u sostenibbli huwa kruċjali għall-ġestjoni adegwata tar-riżorsi f’livell dinji. Il-Kumitat iħoss li l-isforz tal-UE f’dan il-qasam għandu jirdoppja.

1.8

Sabiex tiġi żgurata s-sopravivenza tal-industrija Ewropea u l-investiment tagħha fil-pajjiżi terzi, huwa vitali li s-sistemi ta' preferenzi tal-PAK u l-SPĠ+ jinżammu mingħajr ma jsiru bidliet bħall-għoti tal-oriġini universali lill-Papwa Guinea l-Ġdida u l-Fiġi, li qed jiżbilanċja s-suq dinji tat-tonn. Il-Kumitat jemmen li, bħala tħejjija għat-tfixkil li jista’ jkun hemm fil-futur fis-settur Ewropew tat-tonn, għandhom jiġu kkunsidrati u, jekk ikun hemm bżonn, applikati l-miżuri ta' sorveljanza u salvagwardja previsti fil-Ftehim Interim ta' Sħubija bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati tal-Paċifiku.

1.9

Iż-żamma tat-tariffi Ewropej għall-prodotti pproċessati tat-tonn hija kruċjali sabiex tinżamm il-kompetittività tal-industrija Ewropea. Il-KESE jemmen li għandhom isiru sforzi biex jinkiseb l-aħjar livell ta' protezzjoni possibbli, kemm fil-qafas tad-WTO kif ukoll tan-negozjati kummerċjali tal-UE ma' pajjiżi terzi.

1.10

Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq, il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jiddefendu l-prinċipju tal-preferenza Komunitarja. Jemmen ukoll li l-indennizz ta' kumpens għat-tonnijiet tropikali mogħtijin mill-flotta Ewropea lill-industrija tal-ipproċessar għandu jiġi stabbilit fil-livell oriġinali tiegħu, jiġifieri 93 % tal-prezz ta' referenza tal-UE, billi fl-aħħar snin dan l-indennizz ġie żvalutat b’mod konsiderevoli, u niżel sa 87 % tal-prezz tal-produzzjoni.

2.   Is-sitwazzjoni attwali tal-flotta tat-tonn tropikali tal-Unjoni Ewropea

2.1

Fl-Ewropa, is-sajd tat-tonn beda jiżviluppa f’nofs is-seklu XX, fi Spanja u fi Franza, sabiex jissodisfa d-domanda dejjem tikber tal-industrija tal-ikel ippreżervat fil-laned li kienet tforni s-suq domestiku. Għall-ewwel, dan is-sajd kien isir mal-kosta u kien jiffoka fuq l-alongi (Thunnus alalunga). Hekk kif beda jgħaddi ż-żmien u tittejjeb it-teknoloġija, dan is-sajd beda jespandi lejn in-nofsinhar biex jinqabdu l-ispeċijiet tat-tonn tropikali: it-tonna s-safra (yellowfin tuna, Thunnus albacares), it-tonn qabbieżi (skipjack tuna, Katsuwonus pelamis) u, ftit inqas, it-tonn għajnu kbira (bigeye tuna, Thunnus obesus). Dan is-sajd beda fl-ibħra qrib Franza, Spanja u l-Portugall. Aktar tard, matul is-snin sittin u sebgħin, il-flotot bdew resqin lejn il-kosti tal-Punent tal-Afrika, u matul is-snin tmenin u disgħin, lejn l-Oċean Indjan u l-Paċifiku tal-Lvant, u fl-aħħar nett, fil-bidu tas-seklu XXI, waslu fil-Paċifiku tal-Punent.

2.2

Is-sajd tad-diversi tipi ta' tonn tropikali li twettaq il-flotta tal-purse seiners tal-UE huwa pelaġiku u selettiv. L-objettiv tagħhom huwa li jaqbu l-qtajja’ kbar ta' tonn li jinsabu l-aktar fil-faxxa tropikali tat-tliet oċeani prinċipali. Il-qbid tal-ħut isir fl-ibħra miftuħa jew fiż-żoni ekonomiċi esklużivi (ŻEE) ta' pajjiżi terzi.

2.3

Id-diversi tipi ta' tonn, li huma apprezzati ħafna għall-kwalitajiet nutrittivi tagħhom, jagħmlu parti mid-dieta bażika ta' ħafna pajjiżi madwar id-dinja, jagħmlu parti minn kummerċ kbir u jirrappreżentaw sors importanti ta' dħul għall-pajjiżi involuti fis-sajd, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni.

2.4

Dawn iċ-ċirkustanzi huma r-raġuni prinċipali għaliex is-sajd tat-tonn huwa attività ekonomika importanti ħafna f’ċerti pajjiżi. Bħalissa, bl-użu ta' kull forma ta' sajd, jinqabdu aktar 4 miljun tunnellata tonn tropikali madwar id-dinja, u madwar 2 miljuni minnhom jinqabdu bil-purse seine. B’mod ġenerali, il-popolazzjonijiet ta' dawn l-ispeċijiet qed jiġu sfruttati tajjeb, bi programmi adatti tal-ġestjoni mmexxija mill-ORS f’kull oċean.

2.5

Il-flotta Ewropea hija magħmula minn 54 purse seiner bil-friża (34 Spanjoli u 20 Franċiżi), li flimkien jaqbdu mal-400 000 tunnellata fis-sena, jiġifieri madwar 10 % tal-qabdiet fid-dinja.

2.6

Il-parti l-kbira ta' dawn il-bastimenti joperaw f’ibħra internazzjonali fil-qafas tat-13-il ftehima ta' sħubija dwar is-sajd bejn l-UE u pajjiżi terzi (6 fl-Atlantiku, 4 fl-Oċean Indjan u 3 fil-Paċifiku).

2.7

Fid-dinja jeżistu madwar 30 pajjiż li għandhom mal-580 bastiment għas-sajd tad-diversi tipi ta' tonn tropikali, b’kapaċità ta' 650 000 tunnellata grossa (GT) (1). Il-flotta Ewropea tal-purse seiners, b’97 500 GT, tirrappreżenta 9 % tal-bastimenti u 15 % tal-kapaċità tas-sajd tat-tonn bil-purse seine fid-dinja.

2.8

Il-post prinċipali għas-sajd tad-diversi tipi ta' tonn tropikali huwa l-Oċean Paċifiku, fejn jinqabad 67 % tat-tonn maqbud fid-dinja, imbagħad jiġu l-Oċean Indjan bi 22 % u l-Atlantiku bi 11 %.

2.9

Il-qbid tat-tonn tropikali huwa ġestjonat minn erba’ ORS speċifiċi:

2.9.1

L-ICCAT (Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku – International Commission for the Conservation of Atlantic Tuna), li tkopri l-Oċean Atlantiku u l-ibħra li jmissu miegħu, bħall-Mediterran. Stabbilita fl-1969.

2.9.2

L-IOTC (Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Indjan – Indian Ocean Tuna Commission), li tkopri l-Oċean Indjan. Stabbilita fl-1997.

2.9.3

L-IATTC (Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali – Inter-American Tropical Tuna Commission), li tkopri l-Oċean Paċifiku tal-Lvant (iż-żoni tal-Amerika). Stabbilita fl-1949.

2.9.4

Id-WCPFC (Kummissjoni għat-Tonn tal-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent – Western and Central Pacific Tuna Commission), li tkopri l-parti ċentrali u tal-Punent tal-Oċean Paċifiku (iż-żona tal-Oċeanja u tal-Asja). Stabbilita fl-2004.

2.10

Il-flotta Ewropea hija soġġetta għal diversi kontrolli amministrattivi, li jiddependu minn ministeri nazzjonali varji u minn direttorati ġenerali varji tal-Kummissjoni Ewropea. Sabiex bastiment ikun jista’ jopera u jikkummerċjalizza l-produzzjoni tiegħu b’bandiera ta' wieħed mill-Istati Membri tal-UE, irid jissodisfa l-kundizzjonijiet burokratiċi mitluba biex jinkisbu ċ-ċertifikati li jikkonċernaw it-tunnellaġġ, il-buq (hull), il-makkinarju, l-installazzjoni tal-friżi, l-inġenji tal-bastiment, is-saħħa tal-bastiment għall-ivvjaġġar, is-salvataġġ fuq il-baħar, is-sigurtà u l-iġjene tal-post tax-xogħol, l-approvazzjoni veterinarja, il-permessi speċjali tas-sajd, il-liċenzji tas-sajd tal-pajjiżi differenti li jopera fihom, il-kontroll bis-satellita, il-kontroll mill-osservaturi abbord, il-kontrolli permezz tal-ġurnali elettroniċi li jkunu abbord, il-kontroll tal-bejgħ, eċċ. Sabiex dawn iċ-ċertifikati, permessi u liċenzji kollha jkunu dejjem validi, minbarra l-ġestjoni ta' kuljum jinħtieġu tiġdid annwali u reviżjonijiet perijodiċi li l-ebda flotta tas-sajd oħra fid-dinja m’għandha tagħmel b’mod tant intensiv. Dawn il-kundizzjonijiet kollha jżidu b’mod konsiderevoli l-ispejjeż operattivi tal-flotot Ewropej.

2.11

Bl-istess mod, il-flotta Ewropea tal-purse seiners, għall-kuntrarju tal-flotot ta' pajjiżi terzi, hija soġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd. L-applikazzjoni tal-prinċipji ta' din il-politika, ibbażata fuq is-sajd responsabbli, fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-ORS u fuq il-konformità mal-istandards tal-iġjene, tat-tbaħħir, tas-sigurtà, tal-ambjent u tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, tinvolvi spejjeż kbar għas-sidien tal-bastimenti Ewropej u tnaqqas il-kompetittività tagħhom fil-konfront ta' bastimenti ta' pajjiżi fejn ma jiġux applikati dawn l-obbligi jew inkella jiġu applikati b’mod inqas strett.

2.12

Barra minn hekk, f’dawn l-aħħar snin il-flotta Ewropea qed tiffaċċja l-problemi li ħolqot il-piraterija fl-Oċean Indjan. Minbarra l-biża’ u n-nuqqas ta' sigurtà li qed ibatu l-ekwipaġġi tal-bastimenti tat-tonn li jkunu qed iwettqu l-attività intraprenditorjali leġittima tagħhom, minħabba din is-sitwazzjoni s-sajd qed jonqos u l-ispejjeż operattivi għas-servizzi tas-sigurtà abbord il-bastimenti qed jiżdiedu.

2.13

Il-parti l-kbira tal-produzzjoni tat-tonn tropikali tmur għall-industrija tal-ikel ippreżervat fil-laned, li titqies bħala l-ewwel industrija tal-ipproċessar tal-ħut fid-dinja. L-Ewropa hija l-akbar suq fid-dinja b’konsum annwali ta' 800 000 tunnellata tonn tropikali fil-landa, u aktar minn nofshom jiġu importati minn pajjiżi terzi.

3.   L-iżviluppi tal-flotta tat-tonn tropikali tal-UE

3.1

Matul l-aħħar 50 sena, il-flotta tat-tonn tropikali tal-UE żviluppat b’mod parallel mal-industrija Ewropea tal-ipproċessar tat-tonn tropikali.

3.2

It-tonn kien l-ewwel prodott tas-sajd li ġie liberalizzat għalkollox mit-tariffi Komunitarji sabiex titħares l-industrija tal-ipproċessar. Dik li kienet il-KEE stabbilixxiet indennizz ta' kumpens li bih sid il-bastiment kien jitħallas id-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ u t-93 % tal-prezz ta' referenza stabbilit kull sena. Billi sussegwentement dan il-persentaġġ naqas għal 87 %, l-indennizz ma baqax jitħallas lis-sidien tal-bastimenti Ewropej fl-aħħar snin, u għalhekk issa huwa totalment ineffikaċi.

3.3

Il-flotta u l-industrija tal-ikel ippreżervat fil-laned tal-UE ilhom bosta snin jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiżi terzi fil-qafas tal-politika tal-kummerċ tal-UE. F’dan ir-rigward, il-ftehimiet ta' Yaoundé, Lomé u Kotonù pprovdew qafas stabbli għall-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-AKP u dawk tal-UE. Fl-istess ħin, l-SPĠ+ saħħet il-kummerċ bejn l-UE u l-imsieħba kummerċjali tagħha tal-Amerika Ċentrali u l-Komunità Andina.

3.4

Skont it-termini tal-ftehimiet ta' sħubija ekonomika (FSE), il-pajjiżi tal-AKP jibbenefikaw mill-aċċess ħieles għas-suq Ewropew meta jesportaw il-prodotti tat-tonn tropikali tagħhom (sħiħ, iffilittjat jew fil-laned) b’tariffa ta' 0 %. Dawn il-kundizzjonijiet ippermettew lill-industrija Ewropea tal-ipproċessar tat-tonn tinvesti b’mod dirett fil-Côte d’Ivoire, il-Gana, il-Madagaskar, is-Seychelles u l-Mawrizju, u b’mod indirett il-Kenja u s-Senegal. Dawn l-investimenti kkontribwixxew biex jinħolqu aktar minn 40 000 impjieg f’dawn il-pajjiżi u ffaċilitaw it-trasferimenti tat-teknoloġija.

3.5

B’mod simili, is-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati Plus (SPĠ+) ġiet stabbilita mill-UE biex testendi l-kundizzjonijiet kummerċjali favorevoli għal xi pajjiżi tal-Amerika Ċentrali u t’Isfel, billi tapplika t-tariffa mnaqqsa għal 0 % għall-prodotti tas-sajd. L-investimenti Ewropej saru f’pajjiżi bħall-Ekwador, El Salvador, il-Gwatemala, il-Brażil (SPĠ ġenerali jew ta' pajjiżi terzi, b’tariffa ta' 24 % għall-prodotti ppreżervati fil-laned) u ċ-Ċilì (permezz ta' ftehima dwar il-kummerċ ħieles mal-UE), u b’mod indirett fil-Kolombja u l-Venezwela, u b’hekk ikkontribwixxew biex jinżammu il-50 000 impjieg dirett tal-industrija tat-tonn.

3.6

Bis-saħħa ta' dawn il-ftehimiet, l-intrapriżi Ewropej ittrasferixxew parti mill-bastimenti tagħhom lejn pajjiżi terzi fl-Afrika, l-Amerika u l-Oċeanja, u issa qed ibaħħru bil-bandiera ta' dawk il-pajjiżi li l-UE tidentifikahom bħala msieħba preferenzjali tagħha, u tirrakkomanda li jsiru fużjonijiet jew jinħolqu kumpaniji konġunti mal-intrapriżi tal-istess pajjiżi.

3.7

Parti mill-400 000 tunnellata maqbuda mill-flotta tropikali tal-UE tkun żbarkata u tiġi pproċessata fil-fabbriki mibnija f’pajjiżi terzi. B’hekk l-UE toħloq bosta impjiegi fil-portijiet, tħallas it-taxxi tal-portijiet għall-iżbark u t-trasbord tal-ħut, tieħu l-provvisti tal-ħut mill-portijiet differenti ta' dawn il-pajjiżi terzi u tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tagħhom.

3.8

Jekk imbagħad inħarsu lejn is-settur tat-tonn b’mod globali, il-flotta u l-industrija tal-ipproċessar żviluppaw id f’id u ħolqu l-uniku settur tas-sajd tal-UE bi struttura interprofessjonali transnazzjonali minħabba l-kwantità ta' interessi komuni li jgħaqqdu lill-industrijalisti Ewropej. Is-settur tat-tonn tal-UE, kif jintqal aktar ’il fuq, għamel sensiela ta' investimenti u ġġenera attività ekonomika fil-pajjiżi terzi b’konformità mal-linji gwida tal-UE, li huma maħsuba għall-pajjiżi li jibbenefikaw mis-sistemi ta' preferenzi mogħtija mill-UE.

4.   L-isfidi tal-flotta tat-tonn tropikali tal-UE

4.1

L-isfida ewlenija li qed jiffaċċjaw il-flotta u l-industrija tat-tonn tal-UE hija l-kompetizzjoni inġusta ma' operaturi oħrajn li ffokaw l-objettiv tat-tkabbir tagħhom fuq is-suq Ewropew, fejn jiġi kkonsmat 50 % tal-produzzjoni dinjija (l-UE u pajjiżi terzi) tat-tonn tropikali ppreżervat fil-laned.

4.2

Il-produzzjoni dinjija tat-tonn ippreżervat fil-laned hija ta' madwar 1 600 000 tunnellata, u madwar 330 000 minnhom jiġu prodotti mill-UE (2).

4.3

Il-kompetituri prinċipali tal-flotta Ewropea tat-tonn huma l-flotot Asjatiċi tal-purse seiners li joperaw fl-aktar ilmijiet rikki tad-dinja, fl-Oċean Paċifiku, fejn jinqabad aktar minn 60 % tat-tonn tropikali fil-livell dinji. Dawn il-flotot jipprovdu t-tonn prinċipalment lill-akbar żona tal-ipproċessar tat-tonn tropikali, jiġifieri t-trijanglu magħmul mit-Tajlandja, il-Filippini u l-Indoneżja. Il-prodotti tagħhom, ta' kwalità inferjuri, jinbiegħu bi prezz estremament kompetittiv fis-suq Ewropew, li huma diġà għandhom 35 % minnu minkejja t-tariffa ta' 24 %.

4.4

B’mod simili, is-settur tal-ipproċessar tal-prodotti tat-tonn qed jiffaċċja problemi ta' telf tal-kompettitivà fil-konfront ta' pajjiżi terzi li la huma AKP u lanqas SPĠ+, problemi li jixbhu ’l dawk imsemmija aktar ’il fuq għall-flotot. Fil-maġġoranza tal-każi, il-fatt li tinxtara materja prima irħas u li jkun hemm inqas taxxi kif ukoll id-differenza fil-pagi u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u t-tnaqqis fil-garanziji tas-saħħa tal-prodotti lesti huma aspetti li mingħajr dubju ta' xejn inaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni u jippermettu li l-prodotti importati jinbiegħu bi prezz aktar baxx minn dak tal-prodotti Ewropej.

4.5

B’mod ġenerali jeżistu żewġ mudelli distinti tal-produzzjoni tat-tonn fid-dinja. Minn naħa, hemm il-mudell tal-flotta Ewropea jew tal-investiment tal-UE f’pajjiżi terzi (AKP jew SPĠ), li jfornixxi lill-industrija Ewropea tal-ipproċessar jew l-AKP-SPĠ u joffri l-ogħla standards rigward is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali, is-sigurtà tal-ikel, il-protezzjoni tal-ambjent u r-rispett tar-regoli tas-sajd responsabbli. Il-mudell l-ieħor, li qiegħed jespandi, huwa dak ta' xi flotot u industriji li ma tantx huma preokkupati dwar is-sostenibbiltà u joffru standards soċjali, tax-xogħol u tas-saħħa ħafna aktar baxxi.

4.6

Bħalma l-pajjiżi tal-AKP u l-SPĠ jintalbu jikkonformaw ma' sensiela ta' konvenzjonijiet internazzjonali li jirregolaw dawn l-aspetti kollha sabiex jingħataw aċċess għal sistem ta' preferenza tal-UE, hekk ukoll il-pajjiżi l-oħra li jesportaw lejn l-UE għandhom jissodisfaw dawn l-istess standards biex ikunu jistgħu jidħlu fis-suq Ewropew; b’hekk tiġi garantita kompetizzjoni ġusta mal-produzzjoni Ewropea u mal-imsieħba preferenzjali tal-Unjoni.

4.7

Theddida prinċipali oħra għaż-żamma tal-attività Ewropea tat-tonn hija l-bidla li saret fil-leġislazzjoni Ewropea li tirregola l-bilanċ delikat tas-suq dinji tat-tonn. Din il-leġislazzjoni, permezz tal-ftehimiet ta' sħubija ekonomika, qdiet rwol ewlieni biex l-investimenti u l-iżvilupp tas-settur tat-tonn tal-UE jiġu diretti lejn il-pajjiżi magħżula mill-UE bħala msieħba bi prijorità.

4.8

Dan il-qafas ta' żvilupp, li kien partikolarment effikaċi għas-settur tat-tonn, huwa mhedded min-negozjati tad-WTO, min-negozjati possibbli tal-UE ma' pajjiżi oħra jew ma' gruppi ta' pajjiżi fil-qafas ta' trattati dwar il-kummerċ ħieles, kif ukoll mit-tibdil reċenti fir-regoli tal-oriġini li jagħtu l-oriġini universali (3) lill-Papwa Ginea Ġdida u l-Fiġi.

4.9

Kemm fil-qafas tad-WTO kif ukoll fin-negozjati bilaterali, l-akbar riskju għas-settur tat-tonn huwa li jitneħħew it-tariffi doganali tal-prodotti pproċessati tat-tonn. It-tonn sħiħ iffriżat ilu aktar minn 30 sena liberalizzat għalkollox (tariffa żero) bil-għan li tiġi żgurata l-provvista għall-industrija tal-ipproċessar tal-UE; minħabba f’hekk il-flotta tal-UE hija obbligata tikkompeti b’mod miftuħ ma' flotot oħra li jesportaw it-tonn sħiħ iffriżat lejn is-suq Ewropew. Madankollu, il-fatt li l-liberalizzazzjoni titkompla għall-prodotti pproċessati tat-tonn iwassal biss għad-deterjorament progressiv tal-industrija Ewropea u t-telf tal-impjiegi u tal-attività ekonomika b’mod li jibbenefikaw il-kompetituri barranin li jkollhom inqas spejjeż.

4.10

L-għoti tal-arranġamenti tal-oriġini universali għall-prodotti tas-sajd fil-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika tal-Paċifiku lill-Papwa Ginea Ġdida u l-Fiġi jibdel il-bilanċ tas-suq dinji tat-tonn, b’konsegwenzi diżastrużi għall-industrija Ewropea u tal-pajjiżi l-oħra tal-AKP u l-SPĠ. It-tneħħija tal-kundizzjoni li t-tonn li jiġi pproċessat fil-Papwa Ginea Ġdida u l-Fiġi jrid ikun ġej mill-AKP jew mill-UE sabiex jingħata t-tariffa żero fis-suq Ewropew, qed tħeġġeġ lill-kompetituri ewlenin, prinċipalment Asjatiċi, biex jibnu fabbriki tal-ipproċessar ġodda fil-Papwa Ginea Ġdida u l-Fiġi.

4.11

B’din il-konċessjoni, l-UE qed tinkoraġġixxi li jiġu esplojtati żżejjed ir-riżorsi tat-tonn fil-Paċifiku, fejn il-popolazzjonijiet diġà laħqu l-limitu. Barra minn hekk, l-intrapriżi li ser jiksbu aċċess għas-suq Ewropew b’tariffa żero huma prinċipalment dawk Asjatiċi, li qed jiġu inċentivati biex iżidu l-kapaċità tal-produzzjoni tal-ikel ippreżervat fil-laned f’suq fejn il-prezzijiet naqsu minħabba l-provvista eċċessiva. Il-preżenza tal-UE fiż-żona tal-Paċifiku Ċentrali u tal-Punent hija limitata għal erba’ bastimenti tat-tonn b’konformità max-xewqa politika tal-pajjiżi tal-Forum Fisheries Agency (Aġenzija tal-Forum dwar is-Sajd) immexxija mill-Papwa Ginea Ġdida.

4.12

Din il-konċessjoni tirrappreżenta żvantaġġ għall-pajjiżi l-oħra tal-AKP u l-SPĠ għaliex tagħti lill-Papwa Ginea Ġdida u l-Fiġi l-vantaġġ uniku li jiksbu b’mod faċli l-materja prima bi prezz baxx: tal-ewwel iridu jissodisfaw ir-regoli tal-oriġini filwaqt li tat-tieni le. Tista’ tirrappreżenta wkoll mod kif “jinħaslu” l-prodotti li jkunu ġejjin mis-sajd illegali.

4.13

Sfida oħra li għandha l-flotta tat-tonn tropikali tal-UE hija li żżomm in-netwerk ta' ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd. Dan in-netwerk huwa fundamentali għaliex jiggarantixxi l-aċċess tal-flotta Ewropea għar-riżorsi li huma migratorji ħafna fi ħdan qafas ta' ċertezza legali u trasparenza li huma uniċi fid-dinja. It-tonn tropikali ma jsegwix skema fissa ta' moviment fl-ispazju u fiż-żmien; u għalhekk l-operazzjoni tal-flotta tat-tonn għandha bżonn l-akbar numru possibbli ta' ftehimiet dwar is-sajd fit-tliet oċeani prinċipali.

4.14

Bħalissa jeżisti defiċit serju ta' liċenzji tas-sajd għall-qasam tal-bastimenti tat-tonn bil-friża fl-Oċean Atlantiku, minħabba, fost raġunijiet oħra, it-tnaqqis tal-ftehimiet fl-aħħar snin u, b’mod speċjali, minħabba l-piraterija fl-Oċean Indjan, li qed twassal biex uħud mill-bastimenti li kienu jistadu f’din iż-żona issa qed ifittxu l-kenn fl-Atlantiku, fejn is-sajd jista’ jkompli jsir b’kundizzjonijiet minimi ta' sigurtà. Għaldaqstant, huwa essenzjali li l-UE titlob lill-pajjiżi kostali jżidu l-kwantità stabbilita ta' liċenzji fl-FSPs kollha tal-Atlantiku, dejjem jekk l-istat tar-riżorsi, skont l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli, jippermetti dan.

4.15

Billi din iż-żieda tista’ tieħu aktar żmien milli mixtieq, għaliex ma tiddependix biss mill-UE, il-KESE jipproponi li tiġi kkunsidrata b’mod urġenti l-possibbiltà li ssir eċċezzjoni għall-klawżola tal-esklużività tal-FSPs (li timpedixxi lis-sidien Ewropej li jiksbu liċenzji privati tas-sajd f’dawk il-pajjiżi fejn teżisti FSP), sabiex il-flotta Ewropea tkun tista’ tikseb liċenzji privati tas-sajd, dejjem jekk l-istat tar-riżorsi, skont l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli, jippermetti dan.

4.16

Il-flotta tat-tonn tropikali tikkunsidra li, b’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2004, l-UE għandha tikkonsolida l-importanza tal-ftehimiet ta' sħubija dwar is-sajd fir-riforma tal-PKS u terġa’ tassumi l-politika li testendi n-netwerk ta' ftehimiet għall-aktar pajjiżi importanti ta' kull oċean filwaqt li tinnegozja ftehimiet ġodda mal-pajjiżi li ġejjin:

fl-Atlantiku: is-Senegal, il-Ginea Konakry, Sjerra Leone, il-Liberja, il-Gana, il-Ginea Ekwatorjali u l-Angola.

fl-Oċean Indjan: il-Kenja, it-Tanzanija, il-gżejjer Franċiżi tal-Kanal tal-Możambik, it-territorji Ingliżi tal-Oċean Indjan u l-Jemen.

fil-Paċifiku: l-Ekwador, il-Kolombja, il-Perù, il-Panama, il-Kosta Rika u ftehima reġjonali mal-Forum Fisheries Agency.

4.17

Min-naħa l-oħra, il-flotta tat-tonn tropikali tal-UE tqis indipensabbli li tinżamm il-preżenza tal-UE fl-ORS tat-tonn, sabiex tkompli sservi ta' mudell tas-sajd responsabbli kif qed tagħmel bħalissa (permezz tal-imġiba tal-flotta tat-tonn tagħha).

4.18

Flimkien mal-Ġappun u l-Korea, l-UE hija l-unika parti kontraenti msieħba fl-erba’ ORS (ICCAT, CTOI, CIAT, WCPFC); hi għandu jkollha l-mezzi li bihom tkun tista’ tippromovi b’mod koerenti u oġġettiv il-prinċipji tas-sajd responsabbli.

4.19

Il-KESE jemmen li l-UE għandha tippromovi sistema ta' ġestjoni kemm jista’ jkun omoġenja u koerenti fil-livell dinji bħala risposta ċara għar-realtà ta' suq totalment globalizzat bħalma hu dak tat-tonn tropikali, bil-għan li fil-futur ikun hemm korp internazzjonali li jimmaniġġja l-kwistjonijiet orizzontali li huma rilevanti għas-sajd tat-tonn madwar id-dinja. Din is-sistema ta' ġestjoni dinjija nbdiet fil-proċess ta' Kobe għar-reviżjoni tal-funzjonament tal-ORS tat-tonn.

4.20

Rigward il-piraterija fl-Oċean Indjan, il-flotta tat-tonn tal-UE hija preokkupata ħafna minħabba l-firxa tal-attakki tal-pirati fuq il-bastimenti tat-tonn matul l-2009 u li qed ikomplu matul din is-sena fl-2010. Dawn l-attakki qed imorru dejjem aktar lil hinn mill-ibħra territorjali tas-Somalja, xi wħud minnhom elf mil ’il bogħod mill-kosta Somala u saħansitra anke fiż-ŻEE tas-Seychelles u ta' pajjiżi kostali oħra (il-Kenja, it-Tanzanija).

4.21

Il-flotta tat-tonn hija partikolarment vulnerabbli għall-attakki mill-pirati. Għall-kuntrarju tal-bastimenti tal-merkanzija, li jkunu qed ibaħħru b’mod kostanti, waqt is-sajda l-bastimenti tat-tonn idumu wieqfa bejn sagħtejn u tliet sigħat bix-xibka kalata fil-baħar, u b’hekk ir-riskju li l-pirati jattakkawhom u jitilgħu abbord huwa akbar. Barra minn hekk, huwa aktar faċli għall-pirati li jitilgħu abbord minħabba r-rampa tal-poppa u peress li l-freeboard ta' dawn il-bastimenti hija baxxa.

4.22

Minħabba dan kollu, huwa neċessarju li jiġi modifikat il-mandat tal-Operazzjoni “Atalanta” (Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/851/PESK tal-10 ta' Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta' piraterija u ta' serq bl-użu ta' armi ’l barra mix-xtut tas-Somalja) sabiex ikopri b’mod speċifiku l-protezzjoni tal-flotta tat-tonn li topera fl-Oċean Indjan bil-għan li jiġu evitati l-attakki u t-teħid ta' ostaġġi bħal fil-każ tal-Playa de Bakio (2008) jew dak tal-Alakrana (2009).

4.23

Minħabba l-iskarsezza tal-liċenzji fl-Atlantiku u s-sistema ta' kwoti fil-qafas tal-ORS tal-Paċifiku, bħalissa l-bastimenti tat-tonn Ewropej għandhom ħafna diffikultajiet biex imorru mill-Oċean Indjan għal oċeani oħra. Barra minn hekk, mill-attività tal-flotta tat-tonn fl-Oċean Indjan jiddependu għadd ġmielu ta' ħaddiema li jaħdmu mal-intrapriżi li jkollhom il-bastimenti u ma' intrapriżi f’pajjiżi terzi, kemm fabbriki tal-ikel ippreżervat fil-laned kif ukoll fil-portijiet fejn tidħol il-flotta. Għalhekk, jekk il-flotta tat-tonn titlaq mill-Oċean Indjan, jintilfu ħafna impjiegi mhux biss fl-UE, iżda anke fis-Seychelles, il-Madagaskar, il-Kenja, il-Mawrizju, eċċ.

4.24

Dawn huma l-isfidi li qed tiffaċċja l-flotta tat-tonn tropikali u l-industrija tal-ipproċessar u l-ippreżervar tat-tonn tal-UE fir-rigward tal-istabbiltà u l-preżenza kontinwa tagħha fil-livell dinji, li ma jinvolvu l-ebda piż ekonomiku fuq il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES); jeħtieġu biss deċiżjonijiet politiċi min-naħa tal-UE.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Bl-Ingliż “Gross Tonnage”: qies tat-tunnellaġġ jew l-ispostament ta' bastiment.

(2)  FAO 2007.

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika – Anness I, Artikolu 4(3)(a).


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-kwistjoni “Lejn żona Ewropea ta’ sigurtà fit-toroq: linji gwida strateġiċi għas-sigurtà fit-toroq sal-2020” (Opinjoni fuq talba tal-Parlament Ewropew)

2011/C 48/06

Relatur: is-Sur RANOCCHIARI

Nhar it-2 ta' Ġunju 2010, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Lejn żona Ewropea ta' sigurtà fit-toroq: linji gwida strateġiċi għas-sigurtà fit-toroq sal-2020.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar il-15 u s-16 ta' Settembru (seduta tal-15 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’128 vot favur, 4 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jisħaq li l-għan tat-Tielet Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Sigurtà fit-Toroq - li l-għadd ta' mwiet fit-toroq għall-perijodu 2001-2010 jitnaqqas bin-nofs - kien ambizzjuż ħafna. Filfatt, skont data uffiċjali tal-2008, it-tnaqqis tal-imwiet fit-toroq għall-UE-27, meta mqabbla mal-figuri tal-2001, kien ta' 28.4 %. Madankollu, figuri reċenti tal-Kummissjoni juru progress sorprendenti li jista’ jwassal għal riżultat finali ta' tnaqqis fl-imwiet fit-toroq ta' ’l fuq minn 40 % għall-2010.

1.2   Ir-raġunijiet li minħabba fihom it-tnaqqis ta' 50 % fl-imwiet mhux ser jintlaħaq jinsabu f’kombinazzjoni ta' dawn il-fatturi:

1.2.1

Il-livell Komunitarju huwa responsabbli biss mill-pjan ta' azzjoni u mil-linji gwida tal-implimentazzjoni, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha tal-pjan ta' azzjoni taqa’ taħt bosta livelli fl-Istati Membri.

1.2.2

L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri tas-sigurtà fit-toroq huma differenti f’kull pajjiż.

1.2.3

Ma teżistix interpretazzjoni uniformi tad-data dwar is-sigurtà fit-toroq madwar il-pajjiżi kollha tal-UE.

1.2.4

Matul l-għaxar snin li għaddew, tpoġġiet enfasi kbira fuq l-infurzar aktar milli fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti kollha tat-toroq.

1.2.5

L-Istati Membri ma ġewx assenjati miri intermedjarji, u lanqas ma ngħatat attenzjoni speċjali għar-rati tar-riskju differenti fost l-Istati Membri - dan kien ikun jeħtieġ pjan ta' direzzjoni mfassal speċifikament għal kull pajjiż.

1.3   Fir-rigward tal-miżuri “tas-sigurtà passiva u attiva”, il-KESE jikkonkludi li kien hemm titjib sostanzjali f’dawn l-aħħar għaxar snin, speċjalment minħabba li l-industrija introduċiet firxa wiesgħa ta' innovazzjonijiet tekniċi għas-sigurtà fil-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi għal tagħbijiet tqal. Fil-ġejjieni, jistgħu jiġu stabbiliti standards tas-sigurtà ta' livell ogħla: kull miżura għandha titqies ukoll fid-dawl tal-fatt li dan l-aħħar, fis-suq daħlu karozzi tal-passiġġieri rħas ħafna li bilkemm jilħqu l-istandards tas-sigurtà.

1.3.1   Is-sitwazzjoni hija agħar fil-każ tal-mopeds u l-muturi rħas, li ġejjin l-iktar mix-Xlokk tal-Asja u li ta' sikwit ma jilħqux ir-rekwiżiti Ewropej tal-approvazzjoni tat-tip. Dan huwa element importanti ħafna, b’mod partikolari jekk jitqies il-fatt li s-sewwieqa tal-vetturi PTW (powered two-wheelers) għandhom bejn 18 u 20 darba aktar ċans mis-sewwieqa tal-karozzi li jweġġgħu serjament fit-toroq u minħabba l-konġestjonijiet tat-traffiku fil-bliet, qed jiżdied l-ammont ta' nies li jivvjaġġaw bil-PTW kuljum biex imorru x-xogħol.

1.4   Wara ħarsa lejn il-progress li sar f’dawn l-aħħar għaxar snin fit-titjib tas-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq, il-KESE jikkonkludi li seta’ sar ħafna aktar. L-aktar azzjoni importanti f’dan il-qasam kienet id-Direttiva tal-Kunsill dwar is-sigurtà fil-mini li kellha effett pożittiv ħafna madwar l-Ewropa kollha. Għall-kuntrarju, ma sar l-ebda titjib sinifikanti fir-rigward tat-toroq rurali u n-netwerks sekondarji, fejn iseħħu aktar minn 50 % tal-imwiet fit-toroq.

1.5   Il-KESE jemmen li sabiex ir-Raba’ Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Sigurtà fit-Toroq sal-2020 jaħdem aħjar, għandhom jitqiesu l-aspetti li ġejjin:

1.5.1

fid-dawl tal-fatt li l-UE u l-Istati Membri għandhom responsabbiltà konġunta, hemm bżonn ta' tmexxija politika b’saħħitha;

1.5.2

hemm bżonn ta' data statistika armonizzata u dettaljata dwar is-sigurtà fit-toroq għall-UE-27;

1.5.3

għandhom jitwaqqfu miri fir-rigward tal-utenti tat-toroq li jġarrbu feriti gravi, b’definizzjoni komuni ta' x’inhuma feriti gravi;

1.5.4

hemm bżonn ta' politika Komunitarja aktar stretta fir-rigward tal-armonizzazzjoni u r-regolazzjoni tal-miżuri dwar is-sigurtà fit-toroq, flimkien ma' għajnuna lill-Istati Membri biex jiġi żgurat li dawn jimplimentaw aħjar u iktar malajr il-miżuri tas-sigurtà fit-toroq, inkluż l-implimentazzjoni tas-sistema ta' eCall pan-Ewropea li trid tiddaħħal bilfors jekk l-approċċ volontarju ma jaħdimx;

1.5.5

għandha tingħata aktar attenzjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ differenzjati għall-utenti kollha tat-toroq, speċjalment għal utenti żgħażagħ u xjuħ, kif ukoll utenti vulnerabbli oħra bħal dawk li jsuqu powered two-wheelers, iċ-ċiklisti u dawk li jimxu fit-triq;

1.5.6

L-entitajiet kollha li jħaddmu (u b’mod partikolari dawk li jħaddmu fis-settur privat) u li jimmaniġġjaw il-vetturi tal-kumpaniji li jaħdmu bil-magni għandhom jiġu involuti fi proġetti attwali jew futuri bħall-promozzjoni ta' prattiki tajbin biex inaqqsu l-ħabtiet tal-persunal tagħhom li jkun fi triqtu lejn ix-xogħol, iħeġġu lill-persunal biex juża t-trasport pubbliku u jiżviluppaw politiki għas-sigurtà tal-vetturi tal-kumpaniji. L-ISO 39001 għas-sigurtà fit-toroq waqt ix-xogħol ser ikun għodda importanti għal dan il-għan;

1.5.7

Hemm bżonn ta' leġislazzjoni tal-UE għall-kategoriji vulnerabbli tal-utenti tat-toroq, pereżempju għall-PTW hemm bżonn ta' approvazzjoni ġdida tat-tip li tinkludi ABS u CBS obbligatorji għal vetturi ta' iktar minn 150cc, AHO (automatic head lights on) u l-introduzzjoni ta' testijiet li jivverifikaw jekk vettura hijiex tajba għat-triq u t-taħriġ tat-tieni fażi fir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-liċenzji;

1.5.8

fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura, il-KESE huwa tal-fehma li l-pjan ta' azzjoni l-ġdid għandu jinkludi l-mira li jgħolli l-livell ta' sigurtà tan-netwerk tat-toroq trans-Ewropej u ta' mill-inqas 25 % ta' dawk li ma jagħmlux parti min-netwerk tat-toroq trans-Ewropej għall-istat tat-TREN;

1.5.9

il-pjan ta' azzjoni għandu jinkludi miri ambizzjużi iżda realistiċi li mhux biss joħolqu mira globali għat-tnaqqis tal-għadd ta' mwiet fit-toroq iżda anki miri speċifiċi li jolqtu lil dawk li jkorru b’mod gravi u l-utenti vulnerabbli tat-toroq bħal dawk li jimxu fihom, iċ-ċiklisti u dawk li jsuqu PTW. Fir-rigward ta' l-mira globali, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rata tar-riskju tvarja b’mod sinifikanti madwar l-UE u għaldaqstant jissuġġerixxi bis-sħiħ li l-miri għat-tnaqqis tal-imwiet li jitwaqqfu għall-2020 ikunu differenzjati u bbażati fuq iċ-ċifri tal-2010 mill-Istati Membri;

1.5.10

sabiex jiġi żgurat li l-miri definiti fil-pjan ta' azzjoni jintlaħqu, il-KESE jemmen li hemm bżonn ta' monitoraġġ mill-UE kull sena. Għal dan il-għan, il-KESE jissuġġerixxi li tinħoloq aġenzija Ewropea għas-sigurtà fit-toroq li tkun iddedikata għall-monitoraġġ u s-segwitu tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni f’koordinazzjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri għas-sigurtà fit-toroq.

1.6   Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-UE għandha twaqqaf rabta b’saħħitha u permanenti mal-inizjattiva “għaxar snin ta' azzjoni favur is-sigurtà fit-toroq” iddikjarata min-Nazzjonijiet Uniti u għandha taħdem biex tkun minn ta' quddiem nett fis-sigurtà fit-toroq.

2.   Daħla

2.1   Fit-28 ta' April 2010, b’konformità mal-Artikolu 124 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, Brian Simpson, il-president tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar it-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) kiteb ittra lill-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew is-Sur Mario Sepi li fiha talab opinjoni esploratorja tal-KESE dwar is-sigurtà fit-toroq.

2.2   Fl-ittra tiegħu, is-Sur Simpson irrefera għall-Programm ta' Ħidma ġdid għall-2010 tal-Kummissjoni li ġie ppubblikat fil-31 ta' Marzu 2010 u li jinkludi proposta għall-iżvilupp ta' pakkett ġdid għas-sigurtà fit-toroq bil-għan li tinħoloq “żona Ewropea għas-sigurtà fit-toroq”.

2.3   Huwa talab lill-KESE jindirizza numru ta' mistoqsijiet bażiċi dwar dawn l-aħħar għaxar snin, bħal kemm kienu effettivi l-politiki fil-livell tal-UE biex ibiddlu l-imġiba tal-utenti tat-toroq, biex itejbu l-livell ta' sigurtà passiva tal-vetturi u l-infrastruttura tat-toroq, kemm ġew implimentati tajjeb il-politiki mill-Istati Membri u, fl-aħħar nett, x’hemm bżonn isir biex tinħoloq tassew “żona ta' sigurtà fit-toroq” madwar is-27 Stat Membru.

2.4   Fl-2001, il-Kummissjoni ppubblikat il-White Paper dwar it-Trasport u wara, fl-2003, ippubblikat il-pjan ta' azzjoni. Iż-żewġ dokumenti huma msejsa fuq l-għan li sas-sena 2010 l-għadd ta' mwiet fit-toroq ikun naqas b’nofs.

2.5   L-aħħar data disponibbli mill-2008 turi li l-għadd ta' mwiet fit-toroq, meta mqabbel maċ-ċifri tal-2001 naqas b’36.8 % fiż-żona tal-UE-15 u b’28.4 % fl-UE-27. Dan huwa tnaqqis konsiderevoli, iżda sfortunatament ma jilħaqx il-mira ta' 50 % tal-Kummissjoni. Reċentement ħafna, il-Kummissjoni ppublikat il-figuri għas-sena 2009 u l-previżjonijiet għall-2010 li mhumiex ’il bogħod mill-miri oriġinali, biex it-tnaqqis totali għall-2010 huwa ’il fuq minn 40 %.

2.5.1   Jekk jintlaħqu dawn ir-riżultati importanti, il-KESE jemmen li t-tnaqqis ser ikun ġej mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni reċenti dwar is-sigurtà fit-toroq u t-titjib fis-sigurtà tal-vetturi iktar milli minn bidla fl-imġiba tal-utenti tat-toroq fejn għad hemm ħafna xi jsir.

2.6   Sabiex jintgħażlu l-miżuri li għandhom jagħmlu parti mill-istrateġija l-ġdida, huwa essenzjali li nifhmu liema politiki u inizjattivi kienu effettivi matul dawn l-aħħar għaxar snin, u liema ma kinux.

2.7   Il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni għal dawn l-aħħar għaxar snin iffoka fuq tliet aspetti ewlenin:

bidliet fl-imġiba individwali, bħall-użu taċ-ċinturin tas-sigurtà, tagħmir li jżomm lit-tfal milli jiċċaqalqu fil-karozza, iċ-ċellulari u l-qerda tas-sewqan taħt l-effett tax-xorb;

appoġġ għal inizjattivi tal-industrija biex din tiżviluppa u tpoġġi fis-suq vetturi aktar siguri;

miżuri għat-titjib tal-infrastruttura, pereżempju permezz ta' ppjanar aħjar tat-toroq u l-mini, u l-armonizzazzjoni ta' sistemi avvanzati ta' għajnuna f’emerġenzi madwar l-Istati Membri kollha.

2.8   Bejn April u Lulju 2009, il-Kummissjoni Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi bil-għan li tinvolvi liċ-ċittadini Ewropej u lill-partijiet interessati fi ħdan il-gvernijiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, u lis-setturi kummerċjali u professjonali, fl-identifikar tal-problemi ewlenin tas-sigurtà fit-toroq li għandhom jiġu indirizzati fil-pjan ta' azzjoni għas-sigurtà fit-toroq għall-perijodu 2011-2010, u dwar l-azzjonijiet prijoritarji li jistgħu jittieħdu u li permezz tagħhom, madwar l-UE kollha, jista’ jiġi indirizzat l-għadd ta' mwiet u ta' nies li jweġġgħu gravi fit-toroq, li huwa inaċċettabbli u li jinvolvi spejjeż kbar.

2.9   Il-KESE jaqbel mal-Kumitat dwar it-Trasport u t-Turiżmu li qabel ma jiġi adottat pjan ta' azzjoni ġdid għas-sigurtà fit-toroq, għandha ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tal-politiki tal-passat, tal-White Paper tal-Kummissjoni tal-2001 dwar it-Trasport u tal-pjan ta' azzjoni tal-2003.

2.10   Din l-evalwazzjoni tista’ ssir b’diversi modi, fost oħrajn, billi tintuża informazzjoni reċenti u l-fehmiet espressi fl-opinjonijiet tal-KESE f’dawn l-aħħar snin dwar is-suġġett. Dawn l-opinjonijiet jagħmluha ċara li l-KESE jqis it-titjib fis-sigurtà tat-toroq bħala waħda mill-kwistjonijiet ċentrali fil-politika tat-trasport, li jistħoqqilha li tkun fil-quċċata tal-aġendi tal-Istati Membri anke fi żmien ta' problemi ekonomiċi.

2.11   Sadattant, qed tiġri xi ħaġa importanti fid-dinja. Wara l-ewwel konferenza ministerjali globali dwar is-sigurtà fit-toroq li saret f’Moska f’Novembru 2009 (“Time for action”), l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti ddikkjarat il-perijodu bejn l-2011-2020 bħala “l-għaxar snin ta' azzjoni favur is-sigurtà fit-toroq” bil-għan li madwar id-dinja, jiġi stabilizzat u mnaqqas il-livell ta' mwiet tat-traffiku fit-toroq, li qishom saru epidemija f’kuntest fejn kull sena jmutu iktar minn miljun ruħ fit-triq u jkorru serjament madwar 20 miljun oħra, disgħin fil-mija minnhom f’pajjiżi bi dħul baxx jew medju. F’termini globali, il-konsegwenzi ekonomiċi ta' din ix-xorta ta' “pandemija” ġew stmati għal bejn 1 % u 3 % tal-PDG tal-bosta pajjiżi. Fl-2009 din l-ispiża ammontat għal madwar EUR 130 biljun fl-Ewropa.

2.12   B’rabta ma' dan, il-KESE jemmen li permezz tal-pjan ta' azzjoni għas-sigurtà fit-toroq, l-UE għandha tieħu spinta biex issir il-mexxejja globali fis-sigurtà tat-toroq. Din l-opportunità m’għandhiex titlifha.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jinnota li biex issir evalwazzjoni tal-effikaċja tal-politiki passati fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq, huwa importanti li tiġi dokumentata data statistika kwantitattiva u kwalitattiva dwar is-sigurtà fit-toroq fil-pajjiżi tal-UE-27 u li tkun tista’ tiġi mqabbla. Illum kull Stat Membru jipprovdi ċifri bażiċi dwar is-sigurtà fit-toroq lill-UE, iżda f’ħafna Stati Membri, il-kwalità u d-dettall tal-informazzjoni li jipprovdu mhix biżżejjed u ma tippermettix li ssir differenza bejn l-utenti tat-toroq, il-kategoriji tat-toroq, iċ-ċirkostanzi tat-temp u l-gravità tal-feriti.

3.2   Filwaqt li jżomm f’moħħu li matul dawn l-aħħar tletin sena t-traffiku fit-toroq tal-UE ittrippla, il-KESE jilqa’ l-progress konsiderevoli li sar mill-UE biex tnaqqas l-għadd ta' mwiet fit-toroq bin-nofs sal-2010. Kif innota l-KESE fl-opinjoni tiegħu dwar is-Sigurtà fit-Trasport 2003-2010 li ġiet adottata fl-10 ta' Diċembru 2003, jekk din il-mira kienet ambizzjuża għall-Ewropa ta' 15-il Stat Membru, kienet ser tkun ferm iktar diffiċli li tintlaħaq f’Ewropa mkabbra.

3.3   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li filwaqt li l-UE waqqfet mira ambizzjuża ħafna għat-tnaqqis tal-imwiet fit-toroq, hija ma waqqfitx mira simili għall-utenti tat-toroq li jweġġgħu b’mod gravi. Bejn l-2001 u l-2008, l-għadd ta' utenti tat-toroq li weġġgħu gravi naqas bi 18 % biss fl-UE-27. Għalhekk, biex jilħaq tnaqqis drastiku f’dan il-qasam, il-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-Kummissjoni ser ikollu jinkludi miżuri speċifiċi għal dan il-għan, u dawn ser ikollhom jiġu applikati mill-Istati Membri, hekk kif jintlaħaq qbil dwar definizzjoni komuni tal-feriti gravi u inqas serji.

3.4   Fir-rigward tal-kwistjoni ta' kemm kienu effettivi l-politiki fil-livell tal-UE sabiex ibiddlu l-imġiba tal-utenti tat-toroq matul dawn l-aħħar għaxar snin, wieħed irid iżomm f’moħħu li hija biss id-deċiżjoni dwar il-pjan ta' azzjoni u l-linji gwida għall-implimentazzjoni li ssir fil-livell Komunitarju u li skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha tal-pjan ta' azzjoni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' bosta livelli fl-Istati Membri.

3.5   Jekk l-Istati Membri kollha jimplimentaw il-miżuri tal-pjan ta' azzjoni bl-istess mod huma ser jiltaqgħu ma' inqas problemi iżda sfortunatament l-esperjenza turi li dan mhux il-każ għax għad hemm differenzi kbar bejn il-livelli ta' sigurtà fit-toroq fl-Istati Membri tal-UE. L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri fil-qasam tas-sigurtà tat-toroq ivarjaw minn pajjiż għal ieħor u fil-fehma tal-KESE ma hemm l-ebda dubju li politika Komunitarja iktar stretta ser tħalli riżultati iktar effettivi.

3.6   Huwa għalhekk li l-KESE jisħaq fuq kemm huwa importanti li bl-għajnuna tal-Istati Membri jiġi żviluppat u implimentat programm ta' armonizzazzjoni u regolazzjoni iktar ambizzjuż sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri tas-sigurtà tat-toroq aħjar u b’mod iktar mgħaġġel. It-twaqqif ta' aġenzija Ewropea għas-sigurtà fit-toroq tista’ tkun is-soluzzjoni.

3.6.1   Fil-fatt teżisti aġenzija għal kull mezz ta' trasport minbarra għat-toroq. L-aġenzija tas-sigurtà fit-toroq għandha tkun korp eżekuttiv ħafif assistit b’mod permanenti minn rappreżentanti magħżula mill-Istati Membri.

3.6.2   Fil-fehma tal-KESE, l-aġenżija għandha tapprofitta mill-korpi eżistenti bħall-Osservatorju Ewropew għas-Sigurtà fit-Triq u twettaq xogħol eżekuttiv fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq b’mod iktar effiċjenti. Hija tista’ pereżempju tevalwa minn sena għal sena l-mappa tal-iktar żoni fatali tat-toroq, tindika t-toroq li mhumiex siguri u tikkomunika dawn ir-riżultati lill-utenti tat-toroq tal-UE kif diġà ntalab f’opinjonijiet preċedenti tal-KESE (1). L-aġenzija tista’ tagħti appoġġ lill-gruppi nazzjonali u lokali tas-sigurtà fit-triq billi tħeġġeġ u xxerred l-aqwa prattiki fl-UE.

3.6.3   Barra minn hekk l-aġenzija tista’ tiżgura l-integrazzjoni tas-sigurtà fit-toroq f’politiki rilevanti oħra tal-UE bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-ambjent, u tħejji pjan ta' rotta bil-prijoritajiet għall-perijodu qasir u medju li jirrimedja d-dgħjufija prinċipali tal-pjan ta' qabel.

3.7   Fid-dawl tal-bidliet fl-imġiba tal-utenti tat-toroq matul dawn l-aħħar għaxar snin wieħed jista’ jikkonkludi li iktar minn nofs il-fatalitajiet huma kawża diretta ta' fatturi ta' mġiba bħal nuqqas ta' rispett tal-limiti tal-veloċità, sewwieqa żgħażagħ u ġodda u sewqan fi stat xurban. Fil-fehma tal-KESE, l-edukazzjoni, l-infurzar u t-taħriġ huma kollha importanti bl-istess mod fejn qasam jinfluwenza lil ieħor, iżda fl-aħħar mill-aħħar l-edukazzjoni hija s-soluzzjoni li minnha ser jirbaħ kull qasam.

3.8   Il-KESE stqarr li waħda mit-tliet dimensjonijiet ewlenin tal-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni matul dawn l-aħħar għaxar snin kienet “bidliet fl-imġiba individwali”. Fid-dawl taż-żieda fin-numru ta' vetturi fit-triq matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-politika f’dan il-qasam jeħtieġ li tiġi intensifikata.

3.9   Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li ċerti kategoriji vulnerabbli ta' utenti tat-toroq bħall-motoċiklisti, iċ-ċiklisti u dawk li jimxu fit-triq jinsabu f’riskju sproporzjonat. Il-KESE jissuġġerixxi iktar edukazzjoni fil-qasam tat-traffiku abbinata ma' regolazzjoni-qafas komprensiva dwar it-tip ta' PTW li huma approvati u t-tieni stadju ta' taħriġ għal dawk li jsuqu PTW, bħala miżuri li jinfluwenzaw l-imġiba ta' din il-kategorija ta' utenti tat-toroq.

3.10   Barra minn hekk huwa importanti li jiġi rikonoxxut il-fatt li l-popolazzjoni tal-Ewropa qed tixjieħ u li l-politika tas-sigurtà fit-toroq għandha tiffoka fuq miżuri speċifiċi bħal sistemi ta' trasport intelliġenti, vetturi u infrastruttura adattati, sensibilizzazzjoni u edukazzjoni

3.11   Għal matul l-għaxar snin li ġejjin il-KESE jissuġġerixxi li l-politika tiffoka fuq edukazzjoni differenzjata, taħriġ u evalwazzjoni tal-utenti kollha tat-toroq b’mod partikolari l-gruppi f’riskju, iż-żgħar u l-anzjani u l-kategoriji vulnerabbli tal-utenti tat-toroq bħall-motoċiklisti, dawk li jimxu fit-toroq u ċ-ċiklisti.

3.12   Il-politika fil-livell tal-UE għandha tiġi stabbilita f’pjan ta' azzjoni għas-sigurtà fit-toroq li jkun jikkonsisti f’rakkomandazzjonijiet u linji gwida ċari u stretti għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri. Għandu jingħata wkoll feedback lill-Kummissjoni dwar l-informazzjoni statistika definita tajjeb kull sena sabiex ikun jista’ jkun hemm reazzjoni rapida. Fl-istess waqt il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimetaw il-leġislazzjoni eżistenti u leġislazzjoni futura fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq kemm jista’ jkun malajr.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-isfida l-kbira għal politika tas-sigurtà tat-toroq ta' suċċess hija l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-livelli tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali u lokali. Filwaqt li l-progress fi kwistjonijiet tekniċi jista’ jinkiseb bl-addozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE, il-progress fil-bidla fl-imġiba tal-utenti tat-toroq jista’ jinkiseb biss fil-livell nazzjonali. Għalhekk linji gwida tal-UE stretti u feedback annwali mill-Istati Membri lill-Kummissjoni huma kruċjali.

4.2   Wara ħarsa lejn il-politika fil-livell tal-UE u kemm irnexxielha ġġib bidla fl-imġiba tal-utenti tat-toroq matul dawk l-aħħar għaxar snin, il-KESE jikkonkludi li minħabba s-sussidjarjetà u n-nuqqas ta' possibilitajiet ta' monitoraġġ, il-politika tal-UE ma kenitx suċċess sa barra. It-taħriġ u l-edukazzzjoni kontinwa huma l-mezzi prinċipali ta' kif wieħed jista’ jinfluwenza l-imġiba b’mod pożittiv b’mod partikolari l-imġiba ta' sewwieqa żgħar u l-utenti tat-toroq anzjani. L-Istati Membri introduċew dawn il-mezzi b’mod differenti u xi drabi b’modi inadegwati.

4.3   Il-KESE huwa konvint li fir-rigward ta' dawn it-tipi ta' mġiba, l-enfasi tal-politika matul l-għaxar snin li ġejjin għandha tkun fuq il-qasam tat-taħriġ u l-edukazzjoni għall-kategoriji kollha tal-utenti tat-toroq fl-Istati Membri. Pereżempju l-introduzzjoni ta' ammont minimu ta' edukazzjoni obbligatorja tat-traffiku fl-iskejjel u fuq bażi volontarja li n-nies jitħeġġu li jkomplu jsaħħu dan l-għarfien matul il-ħajja.

4.4   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni regolari u mmirati sabiex jinfluwenzaw l-imġiba tal-utenti. Dawn għandhom jindirizzaw l-untenti tat-toroq dwar suġġetti relatati mas-sigurtà li jinkludu r-rispett reċiproku, tagħmir protettiv, il-veloċità, kwistjonijiet ta' alkoħol u drogi u għandhom iseħħu flimkien ma' enfasi fuq l-infurzar.

4.5   Il-pjan ta' azzjoni l-ġdid għandu jagħti attenzjoni partikolari lir-rati differenti ta' riskju fis-sigurtà tat-toroq fil-pajjiżi Ewropej. Fl-2008, ir-rata tar-riskju fil-pajjiżi bl-għola rata ta' riskju kienet erba’ darbiet iktar mir-rata tal-pajjiżi bl-inqas rata tar-riskju. F’dawk il-pajjiżi fejn ir-rata tar-riskju hija iktar mir-rata medja tal-UE, l-għan għandu jkun mira ogħla tat-tnaqqis tal-fatalitajiet u tal-utenti tat-toroq li jweġġgħu b’mod gravi, b’hekk jiġu stabbiliti miri ta' tnaqqis tal-fatalitajiet differenzjati għall-2020 li jkunu bbażati fuq id-data tal-2010.

4.6   Fir-rigward tal-miżuri għas-“sigurtà passiva”, kien hemm titjib sostanzjali f’dawn l-aħħar għaxar snin, speċjalment minħabba li l-industrija daħħlet varjetà wiesgħa ta' miżuri tekniċi għas-sigurtà fil-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi għal tagħbijiet tqal. Il-proġett ta' riċerka u żvilupp finanzjati mill-programmi qafas tal-UE jistgħu jagħtu spinta għal iktar titjib fit-teknoloġiji ITS.

4.7   B’riżultat tal-kriżi ekonomika ħareġ fenomenu ġdid u dejjem iktar perikoluż: l-introduzzjoni fis-suq ta' karozzi tal-passiġġieri rħas li bilkemm jilħqu l-istandards tas-sigurtà. Sabiex tiġi garantita u mtejba s-sigurtà, il-livell ta' sigurtà tal-vetturi tal-kumpaniji għandu jogħla billi dawn fejn hu possibbli, jitgħammru bl-apparat il-ġdid tas-sigurtà. Valutazzjoniiet perjodiċi u spezzjonijiet annwali huma neċessarji. Is-sitwazzjoni hija agħar fis-settur tal-PTW fejn hemm bżonn li s-suq jiġi sorvejlat u l-ispezzjonijiet perjodiċi huma essenzjali (2). Il-KESE jemmen li l-UE għandha tirreaġixxi billi tistabbilixxi standards tas-sigurtà ogħla.

4.8   B’rabta ma' dan, hemm bżonn leġislazzjoni ġdida tal-UE dwar it-tipi ta' PTW approvati inkluż ABS u BCS mandatorji għal vetturi ta' ’l fuq minn 150cc u l-introduzzjoni ta' testijiet ta' kemm vettura hija tajba għat-triq kif ukoll li jiddaħħal it-taħriġ tat-tieni fażi għall-PTW fir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-liċenzja tas-sewqan. Barra minn hekk l-UE għandha tappoġġja l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni sabiex tiżgura konformità mar-regoli prinċipali tas-sigurtà.

4.9   L-ippjanar tat-toroq u tal-ġnub tat-toroq jilagħbu rwol importanti fl-inċidenti. L-istħarriġ fil-qasam juri li f’madwar 30 % tal-inċidenti tkun involuta l-infrastruttura. Dan ifisser li hemm lok għal ħafna tibdil fil-qasam. Milli jidher l-ostakoli prinċipali għal iktar sigurtà mhux ġejjin biss minn limiti finanzjarji iżda anki minn nuqqas ġenerali ta' għarfien. L-istatistiċi juru li t-toroq rurali huma ħafna drabi l-iktar perikolużi. Il-fondi tal-UE (TERN, il-fondi strutturali) għandhom jiddependu mit-twettiq ta' toroq siguri. Huwa importanti ħafna li d-disinn, il-bini u ż-żamma tal-infrastruttura tat-toroq tqis ukoll is-sigurtà tal-PTW.

4.10   Il-KESE jikkonkludi li l-iktar sforz effettiv sabiex l-infrastruttura ssir iktar sigura matul dawn l-aħħar għaxar snin kienu l-proposti tat-Tielet Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Sigurtà fit-Toroq: id-Direttiva dwar is-sigurtà fil-mini (2004/54/EC). Din id-Direttiva kellha impatt kbir fl-Ewropa.

4.11   Għal matul l-għaxar snin li ġejjin , il-KESE jirrakkomanda li fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura, il-pjan ta' azzjoni l-ġdid għandu jinkludi l-mira li jgħolli l-livell ta' sigurtà tan-netwerk tat-toroq trans-Ewropej u ta' 25 % ta' dawk li ma jagħmlux parti min-netwerk tat-toroq trans-Ewropej għall-istat tat-TREN; Permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar Direttiva emendata dwar il-ġestjoni tas-sigurtà tal-infrastruttura, li tkun tinkludi annessi tekniċi vinkolanti u li jkollha ambitu iktar wiesgħa (anki għal toroq li ma jagħmlux parti mit-TREN), kif ukoll jekk jintlaqgħu l-linji gwida tal-UE għal infrastruttura sigura tat-toroq urbani, ser jingħata kontribut konsiderevoli għas-sigurtà fit-toroq. Fil-perijodu qasir l-UE għandha tippromovi l-adozzjoni minn kmieni mill-Istati Membri kollha tal-erba’ miżuri tad-direttiva dwar l-infrastruttura: il-valutazzjoni tal-impatt tas-sigurtà tat-toroq, verifika tas-sigurtà tat-toroq, ġestjoni tas-sigurtà tan-netwerks u l-ispezzjoni tas-sigurtà.

4.12   Minħabba r-responsabbiltà maqsuma li teżisti fil-qasam, il-KESE huwa konvint li sabiex tinħoloq żona ġenwina ta' toroq siguri fis-27 Stat Membru, tmexxija politika b’saħħitha hija prerekwiżit. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE iżda anki fl-Istati Membri fil-livell nazzjonali u u reġjonali għandhom ikunu konvinti minn kemm huwa importanti li jaħdmu flimkien sabiex jimplimentaw bidliet leġislattivi fuq il-perijodu qasir u twil akkumpanjati minn kampanji kbar ta' informazzjoni. L-użu tal-għarfien espert tal-atturi privati prinċipali fil-qasam tas-sigurtà tat-toroq fl-Ewropa ser joħloq appoġġ u jkun inizjattiva kosteffettiva.

4.13   Fir-rigward tas-settur privat u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-missjonijiet tax-xogħol u l-ivvjaġġar mid-dar lejn u mill-post tax-xogħol huma sors prinċipali ta' riskji, pass importanti fid-direzzjoni t-tajba jista’ jittieħed minn min iħaddem u jmexxi l-vetturi tal-kumpaniji. Fil-fatt il-miżuri sabiex jitnaqqsu l-fatalitajiet fit-toroq għandhom ikopru kull tip ta' sewqan għax-xogħol jiġifieri għandhom imorru lil hinn mis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

4.13.1   Dawk li jħaddmu fis-settur privat u pubbliku għandhom jippromovu prattiki tajba sabiex jitnaqqsu l-ħabtiet billi jħeġġu lill-persunal jaqleb għall-użu tat-trasport pubbliku u fejn possibbli jiżviluppaw linji gwida għas-sigurtà tal-vetturi tal-kumpaniji u jimmonitorjaw il-prestazzjoni sigura tagħhom. Eżempju tajjeb fil-qasam huwa l-proġett PRAISE (3) kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jsir avvanz fix-xogħol relatat mal-ġestjoni tas-sigurtà tat-toroq u li min iħaddem jiġi pprovdut bl-informazzjoni rilevanti. Din il-kwistjoni tista’ tinteressa wkoll lill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (UE-OSHA);

4.13.2   Fl-istess spirtu, qiegħed jiġi żviluppat standard internazzjonali ġdid tal-ISO, 39001, għas-sigurtà fit-toroq fuq ix-xogħol u mistenni jitlesta fl-aħħar tal-2011. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistieden lill-firmatarji kollha tal-Karta tas-Sigurtà fit-Toroq sabiex l-ISO 39001 jiġi ċertifikat kemm jista’ jkun malajr.

4.14   Kundizzjonijiet oħra għal “żona ta' sigurtà fit-toroq” huma: iktar informazzjoni statistika komparabbli dwar l-Istati membri, feedback dwar l-informazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni fuq bażi annwali, it-twaqqif ta' sistema ta' monitoraġġ u segwita fil-livell tal-UE permezz ta' aġenzija Ewropea tas-sigurtà fit-toroq, l-implimentazzjoni tajba u rapida tal-leġislazzjoni tal-UE mill-Istati Membri kollha u iktar enfasi fuq it-taħriġ u l-edukazzjoni kontinwa u attenzjoni speċjali fuq l-utenti tat-toroq żgħar u anzjani.

4.15   Il-KESE jissuġġerixxi pjan ta' azzjoni b’miri ambizzjużi iżda realistiċi. Għal raġunijiet politiċi, kif sar fil-passat, il-mira għall-għaxar snin li jmiss għandha tkun globali. Fir-rigward tat-tnaqqis tan-numru ta' fatalitajiet, il-KESE mhux ser jindaħal fid-diskussjoni billi jissuġġerixxi perċentaġġ iżda jirrakkomanda bis-sħiħ li jiġu stabbiliti miri speċifiċi għat-tnaqqis tal-ammont ta' feriti gravi u fin-numru ta' utenti vulnerabbli tat-toroq, bħal dawk li jimxu fit-triq, iċ-ċiklisti u dawk li jsuqu PTW, li jkunu involuti f’inċidenti tat-triq u korrimenti.

4.16   Barra minn hekk l-UE, possibbilment permezz ta' Aġenzija tas-Sigurtà fit-Toroq, għandha tipprovdi mhux biss l-għan fuq perijodu twil iżda wkoll miri intermedjarji billi tibda programm ta' assistenza teknika sabiex tappoġġja lill-Istati Membri li għadhom ftit iktar lura fil-qasam sabiex jiżviluppaw strateġija nazzjonali biex inaqqsu l-fatalitajiet.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 80, 30.3.2004, p. 77-80

(2)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 30.

(3)  PRAISE –il-prevenzjoni tal-inċidenti u l-korrimenti fit-triq għas-sigurtà tal-impjegati. (www.etsc.eu/PRAISE.php)


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/33


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Strutturi ta’ finanzjament għall-SMEs fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/07

Relatur: is-Sinjura DARMANIN

Nhar is-26 ta' Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Strutturi ta' finanzjament għall-SMEs fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta' Lulju 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (seduta tas-16 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’121 voti favur, vot kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-istrumenti ta' finanzjament għall-SMEs billi tassigura li l-iskema ta' garanzija tal-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) tibqa’ fis-seħħ wara tmiem il-perijodu attwali ta' finanzjament, li l-fondi strutturali jkunu aċċessibbli għall-SMEs b’mod faċli u li l-prijoritajiet ta' finanzjament jiġu ddikjarati b’mod ċar. Fil-kuntest attwali ta' tnaqqis ta' fondi proprji, l-istituzzjonijiet ta' garanzija jipprovdu lis-soċji bankarji tagħhom b’effett utli ta' tnaqqis tal-istandards ta' Basel II. F’dan il-kuntest għandhom jitħeġġu l-istituzzjonijiet ta' garanzija reċiproka.

1.2   Il-KESE jirrakkomanda l-ħolqien ta' pjattaformi ta' kummerċ għall-mikrointrapriżi u għall-SMEs. Il-maġġoranza tal-Boroż rikonoxxuti għandhom rekwiżiti eċċessivi ta' rapportar u proċeduri twal wisq biex SME tkun tista’ tiġi kkwotata. Barra minn hekk, l-ispejjeż ġeneralment ikunu projbittivi, inklużi dawk relatati mal-kwotazzjonijiet alternattivi u/jew sekondarji. Il-ħolqien ta' pjattaformi żgħar reġjonali kkoordinati minn netwerk Ewropew joħloq strument ġdid li jista’ jintuża mill-kumpaniji żgħar biex isibu kapital ġdid. Dan iħeġġeġ aktar finanzjament fil-forma ta' kapital ta' riskju (venture capital) u investituri informali (business angel) u jgħin ukoll lill-investituri żgħar ta' kapital ta' riskju biex jassistu lin-negozji żgħar.

1.3   L-SMEs, b’mod partikulari l-mikrointrapriżi, qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet kbar biex ikollhom aċċess għall-finanzi. Barra minn hekk, mhux ċar ħafna għas-soċjetà inġenerali kif intużaw il-flus għas-salvataġġ finanzjarju tal-banek. Forsi mhux konvenjenti li l-banek jippubblikaw dawn il-figuri iżda, min-naħa l-oħra, il-KESE jqis li jista’ jkun aktar xieraq li l-banek jirriservaw perċentwali miftiehem tal-fondi għas-salvataġġ finanzjarju (f’dawk il-pajjiżi fejn dan intuża) sabiex joffru faċilitajiet ta' kreditu lill-intrapriżi żgħar u mikro, partikularment għal proġetti innovattivi.

1.4   Il-KESE jħeġġeġ l-iżvilupp ta' qafas li jiffaċilita t-twaqqif ta' istituzzjonijiet ta' mikrofinanzjament parteċipattiv u etiku. Dan il-metodu ta' finanzjament ċertament jista’ jkun ta' benefiċċju għall-SMEs peress li huwa bbażat fuq il-kondiviżjoni tar-riskji u l-profitti, fuq il-finanzjament stabbli u fuq l-evitazzjoni tal-ispekulazzjoni. Il-Kummissjoni għandha teżamina b’mod serju l-fenomenu tal-attivita bankarja parteċipattiva. Fil-fatt, il-KESE jappella sabiex il-Kummissjoni tħejji Green Paper bħala bażi għat-tnedija tad-dibattitu dwar l-attivita bankarja parteċipattiva fil-livell Ewropew. Inizjattivi separati implimentati minn pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u Malta huma pożittivi iżda jistgħu jxekklu aktar integrazzjoni tal-industrija tas-servizzi finanzjarji fi ħdan l-UE. Barra minn hekk, inizjattivi separati u mhux koordinati jistgħu ma jħallux l-aħjar riżultati li kieku jista’ jinkiseb minn dan it-tip ta' finanzjament, bħall-kondiviżjoni tar-riskju (risk sharing), kondiviżjoni tal-profitti (profit sharing) u approċċ soċjali għall-finanzjament. It-tħeġġiġ ta' mikrofinanzjament Iżlamiku jista’ jwassal għal attivitajiet intraprenditorjali ġodda filwaqt li jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar f’ċertu reġjuni. F’dan il-kuntest, għandha titħejja direttiva li tantiċipa, tindirizza u tħeġġeġ metodi alternattivi ta' finanzjament, li għandha tassigura li dawn jinsabu fuq l-istess livell tal-metodi l-oħra ta' finanzjament bħall-finanzjament konvenzjonali.

1.5   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Istati Membri li jiffinanzjaw lill-SMEs direttament jagħtu garanziji totali jew parzjali lill-istituzzjonijiet finanzjarji bħala inċentiv sabiex dawn jagħtu l-fondi lill-SMEs. Matul il-kriżi finanzjarja, numru ta' Stati Membri adottaw din il-prattika li wriet li taffiet id-diffikultajiet tal-SMEs sabiex ikollhom aċċess għall-fondi.

1.6   Il-KESE jemmen li l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) għandu jinvesti direttament fl-SMEs jew permezz ta' subfond għal qasam speċifiku bħall-Fond għaż-Żgħażagħ Intraprendituri li jista’ jħeġġeġ ukoll kultura intraprenditorjali. Barra minn hekk, il-fondi tal-BEI għandhom jiġu allokati lill-intermedjarji li jappoġġjaw bi sħiħ l-SMEs. Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li, sabiex il-banek intermedjarji jitħeġġu jużaw il-fondi tal-BEI għall-benefiċċju tal-SMEs, għandhom jikkondividu r-riskju mal-BEI.

1.7   Il-KESE jirrakkomanda forom differenti ta' finanzjament mill-banek, inkluż il-finanzjament parteċipattiv, innovattiv u etiku. Il-finanzjament bħal dak provdut mill-Grameen Bank fil-Bangladexx jista’ jkun limitat ħafna minħabba l-istandards tal-Ftehim ta' Basel II. L-istituzzjonijiet ta' finanzjament m’għandhomx jibdew mill-problema minflok mis-soluzzjoni: sistema ta' kreditu għandha tkun ibbażata fuq stħarriġ tal-kuntest soċjali aktar milli fuq teknika bankarja stabbilita minn qabel. Għalhekk hemm bżonn ta' reviżjoni mgħaġġla tal-istandards ta' Basel II jew għallinqas ftehim li jippermetti finanzjament li jmur lil hinn mill-metodi konvenzjonali.

1.8   Fl-UE qegħdin jinbtu n-netwerks tal-investituri informali (business angels networks). Sfortunatament, dawn in-netwerks ma jidhrux li huma regolati u jista’ jkun hemm abbuż sostanzjali li jiskoraġġixxi lill-intraprendituri milli jużaw metodu importanti bħal dan biex jiffinanzjaw it-tkabbir. Għandu jiġi promoss qafas legali li jinċentiva t-tħaddim tan-netwerk tal-investituri informali jew attivitajiet simili.

1.9   Il-KESE jinkoraġixxi l-adozzjoni ta' inċentivi fiskali fl-Istati Membri għall-investituri informali u n-netwerks tagħhom, inklużi l-investituri familjali bħall-ġenituri. Ħafna intraprendituri żgħar jistrieħu fuq il-fondi tal-familja minħabba li ma jkollhom l-ebda fond ieħor għad-dispożizzjoni tagħhom. Dawn l-investituri għandhom jiġu premjati u jitħeġġu permezz ta' krediti ta' taxxa.

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1   L-Istati Membri tal-UE ġew ikkonfrontati minn sfida prinċipali: il-bżonn li jħeġġu u jtejbu l-intraprenditorija. F’Marzu 2000, il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona stabbilixxa dan bħala l-għan biex jitjiebu l-impjiegi, ir-riforma ekonomika u l-koeżjoni soċjali. Fil-21 ta' Jannar 2003, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Green Paper dwar l-Intraprenditorija fl-Ewropa, li tiffoka fuq in-nuqqas ta' ċittadini Ewropej li jwaqqfu n-negozju tagħhom u n-nuqqas ta' tkabbir kontinwu tan-negozji eżistenti.

2.2   L-iżvilupp tal-intraprenditorja jħalli benefiċċji importanti kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali. L-intraprenditorija mhix biss il-mutur wara l-ħolqien tal-impjiegi, l-innovazzjoni, il-kompetittività u t-tkabbir, iżda tikkontribwixxi wkoll għal sodisfazzjon personali u l-ksib tal-għanijiet soċjali (1).

2.3   Il-korrelazzjoni bejn l-intraprenditorija u l-prestazzjoni ekonomika nazzjonali tista’ tiġi attribwita lis-sopravivenza tal-intrapriżi, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi, il-progress teknoloġiku u ż-żjieda fil-produttività u l-esportazzjonijiet. Għalhekk, l-intraprenditorija hija ta' benefiċċju mhux biss għall-individwi involuti iżda wkoll għas-soċjetà minn perspettiva olistika.

2.4   F’sondaġġ li twettaq miċ-Ċentru tal-Intrapriża u r-Riċerka għall-Iżvilupp Ekonomiku, il-finanzjament inizjali kien imniżżel bħala waħda mill-aktar problemi li jiffaċċjaw l-intraprendituri żgħar (flimkien mar-rekwiżiti regolatorji amministrattivi). Madankollu, kienu biss 40 % tal-organizzazzjonijiet ta' appoġġ speċjalizzat li rrispondew li jqisu dawn bħala akbar mid-diffikultajiet finanzjarji fuq intrapriżi żgħar oħra. Ħafna intrapriżi ġodda għandhom problemi biex isibu l-flus bħala garanzija għal self inizjali, għalkemm għall-intraprendituri żgħar, din tista’ tirrappreżenta diffikultà aktar sostanzjali minħabba l-opportunitajiet tagħhom aktar limitati biex jakkumulaw l-assi li jistgħu jintużaw għal dan l-iskop. Evidentement, din id-diffikultà prattika tolqot b’mod differenti lis-setturi u lill-attivitajiet ekonomiċi.

2.5   Il-kriżi ekonomika attwali hija deterrent għall-intraprenditorija partikularment minħabba l-mod kif qed jintlaqtu l-SMEs. Il-KESE ttratta b’mod wiesa’ l-bidu u l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u r-rwol vitali li qdiet is-sistema bankarja. Ir-realtà hija li l-SMEs għadhom qegħdin jintlaqtu ħafna mill-kriżi u għadhom isibuha diffiċli biex ikollhom aċċess għall-finanzjament.

2.6   Madankollu, fis-sitwazzjoni attwali, il-kreditu mill-bank jibqa’ skars ħafna (minkejja tnaqqis prinċipali fir-rati bażiċi ta' self) minħabba:

it-telf li ġej mill-prattiki tal-kontabilità bbażati fuq il-valur attwali tas-suq (mark to market accounting practices – il-proċess fejn il-banek inaqqsu l-valur tat-titoli mniżżlin fil-karti tal-bilanċ tagħhom minħabba li m’hemmx suq għal dawn it-titoli fil-futur qrib);

iż-żjieda fid-dejn mitluf jew dubjuż mill-konsumaturi, minħabba l-istess riċessjoni;

in-nuqqas ta' fondi fis-suq interbankarju, fenomenu li għadu għaddej u li s’issa għadu ma rkuprax minkejja l-interventi minn diversi gvernijiet;

il-fattur ta' biża’ kostanti – hemm inqas possibbiltà li bankiera li jibżgħu għall-impjieg tagħhom jieħdu deċiżjonijiet riskjużi fir-rigward ta' kreditu.

2.7   Għalhekk, il-kapital bankarju huwa ristrett – jew għall-klijenti eżistenti li l-bank ma jaffordjax li jitlef, jew għal investiment f’titoli bi dħul fiss ta' kwalità għolja bħal bonds. Bil-gvernijiet iżidu l-użu tal-kreditu biex ikunu jistgħu jitfgħu l-fondi fl-ekonomiji tagħhom żdiedet id-disponibbiltà ta' dejn garantit mill-gvern u din, min-naħa tagħha, twassal għal inqas fondi disponibbli għal self lill-intrapriżi u lill-konsumaturi.

3.   Deskrizzjoni qasira tan-natura tal-SMEs li hija apparti mill-istatistika uffiċjali

3.1   L-SMEs huma speċjali għal numru ta' raġunijiet. L-elenkar tal-karatteristiċi partikulari kollha ma jagħmilx ġustizzja mad-dinamiżmu tagħhom. Madankollu, ta' min jelenka xi wħud minn dawn il-karatteristiċi.

3.2   Ġeneralment, l-SMEs huma intrapriżi tal-familja li jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra, fejn il-familja hija investitur importanti fl-intrapriża iżda ta' spiss mhux biżżejjed. Hemm tendenza li l-SMEs ikunu operaturi fuq skala lokali, u dan jinfluwenza l-metodoloġija tagħhom ta' esternalizzazzjoni, u l-mod tagħhom kif jimpjegaw (ta’ spiss prudenti ħafna). Ma tantx teżisti distinzjoni bejn il-maniġment u l-proprjetarji tal-intrapriża. Barra minn hekk, ta' spiss teżisti relazzjoni stretta bejn il-persunal u l-proprjetarji (u dan iżid il-lealtà miż-żewġ naħat). L-SMEs huma flessibbli, dinamiċi u malajr jinkorporaw l-innovazzjoni. Tipikament, l-SMEs jevitaw ir-riskju fil-ġestjoni tal-flussi tagħhom ta' flus kontanti, jużaw ir-riservi tagħhom qabel ma jirrikorru għall-istituzzjonijiet ta' self u jiffaċċjaw ħafna burokrazija meta japplikaw għall-finanzjament u jirċievu s-self.

3.3   L-idea li s-self għal SMEs huwa aktar riskjuż ġejja parzjalment min-natura tagħhom stess: ta' spiss ikunu negozji li ma tantx ikunu ilhom li bdew, kuntrarji għal sistemi ta' finanzjament burokratiċi u twal, mingħajr biżżejjed garanzija, u b’mod ġenerali, mingħajr għodod ta' ġestjoni tar-riskju minħabba d-daqs tagħhom.

3.4   Huwa importanti li jiġi nnotat li l-problemi li jiffaċċjaw l-SMEs huma aktar gravi fil-każ tal-mikrointrapriżi.

4.   Għodod finanzjarji

4.1   Kwotazzjoni pubblika fil-Boroż rikonoxxuti – L-offerti pubbliċi inizjali ġeneralment huma assoċjati ma' ażjendi stabbiliti tajjeb li beħsiebhom ifittxu kapital fuq perijodu fit-tul fil-forma ta' ishma u titoli ta' dejn (bonds) fil-lista uffiċjali. Dan ġeneralment iseħħ qabel l-istadju ta' espansjoni, meta s-sidien ta' intrapriżi u/jew l-investituri ta' kapital ta' riskju jkunu qegħdin ifittxu triq għal barra. Jeżistu wkoll swieq sekondarji li ġeneralment ma jkunux adatti għall-mikrointrapriżi u huma biss l-akbar fost l-intrapriżi żgħar li jkunu kapaċi jsegwu din id-direzzjoni. Għalkemm ġeneralment il-listi alternattivi tal-kumpaniji huma anqas stretti minn dawk tal-lista primarja, ir-rekwiżiti ta' komunikazzjoni huma l-istess. L-ispiża relatata mal-kwotazzjoni tista’ taqbeż il-EUR 500 000.

4.2   Sorsi ġodda ta' finanzjament. Attività bankarja parteċipattiva – Fl-Ewropa qed jinbet fenomenu ġdid fil-forma ta' attività bankarja parteċipattiva u etika, magħruf ukoll bħala finanzjament Iżlamiku. Il-mod kif dan jaħdem huwa interessanti u probabbilment huwa adattat għar-rekwiżiti tal-SMEs, fis-sitwazzjoni attwali. Joffri diversi strumenti, li ħafna minnhom mhumiex ġodda għall-pajjiżi Ewropej. Madankollu, ċerta leġislazzjoni, partikularment dik fiskali, qed tostakola l-evolviment ta' dan it-tip ta' finanzjament. Sfortunatament, diversi pajjiżi tal-UE (bħar-Renju Unit, Franza, il-Lussemburgu, il-Ġermanja, Malta u l-Italja) qegħdin jieħdu miżuri individwali bir-riskju li joħolqu kwistjonijiet ta' passaport fis-suq intern. Jista’ jkun hemm fenomenu fejn l-istituzzjonijiet finanzjarji parteċipattivi jistgħu jsibu strumenti leġislattivi alternattivi biex jidħlu fis-suq tal-UE (2).

4.2.1   Dan il-metodu ta' finanzjament ċertament jista’ jkun ta' benefiċċju għall-SMEs peress li huwa bbażat fuq il-kondiviżjoni tar-riskji u l-profitti u fuq il-finanzjament stabbli, waqt li jiġu evitati l-ispekulazzjoni u ċerti tipi ta' investimenti.

4.2.2   Qasam partikularment ġdid u li qiegħed jevolvi huwa dak li jissejjaħ mikrofinanzjament Iżlamiku. Il-mikrofinanzjament huwa magħmul minn firxa ta' servizzi finanzjarji għal nies li tradizzjonalment ma jkunux jistgħu jingħataw finanzjament mill-banek, prinċipalment minħabba li m’għandhomx il-garanzija li tista’ tipproteġi istituzzjoni finanzjarja kontra riskju ta' telf.

4.2.3   Ir-rivoluzzjoni l-vera tal-mikrofinanzjament hija l-fatt li tagħti possibbiltà lil persuni li kienu esklużi mis-suq finanzjarju, tiftaħ perspettivi ġodda u tipprovdi mezzi lill-persuni li fl-aħħar ikunu jistgħu jwettqu l-proġetti u l-ideat tagħhom bir-riżorsi tagħhom stess, u b’hekk jevitaw l-assistenza, is-sussidji u d-dipendenza. L-esperjenzi tal-mikrofinanzjament madwar id-dinja kollha issa wrew b’mod ċar li l-fqar jeħtieġu firxa wiesgħa ta' servizzi finanzjarji, lesti li jiffaċċjaw l-ispejjeż relatati u assolutament jistħoqqilhom li jieħdu finanzjament mill-banek. Il-grupp destinatarju tal-mikrofinanzjament huwa magħmul minn dawk il-fqar li jgħixu fil-limiti tal-hekk imsejħa linja tal-faqar, li faċilment jistgħu jilħqu kwalità deċenti ta' ħajja u li għandhom ideat ta' intraprenditorjat iżda m’għandhomx aċċess għal finanzjament formali.

4.2.4   Twettqu xi studji dwar is-suġġett u l-esperjenza fil-qasam għadha limitata ħafna, iżda jidher li hemm potenzjal kbir kemm biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni finanzjara u soċjali kif ukoll biex tikber u tiġi arrikkita l-bażi ta' klijenti ta' istituzzjonijiet finanzjarji fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw b’substrata kulturali Iżlamika. B’hekk l-attività bankarja parteċipattiva wriet li l-enfasi tagħha ma kenitx biss fuq is-suċċess finanzjarju iżda wkoll fuq il-massimizzazzjoni tal-benefiċċji soċjali permezz tal-ħolqien ta' istituzzjonijiet finanzjarji aktar b’saħħithom li jistgħu jipprovdu servizzi finanzjarji effettivi, inkluż fil-livell taċ-ċittadin.

4.3   Skemi ta' finanzjament mill-gvern u mill-UE – Il-gvernijiet, permezz tal-intermedjarji tagħhom, ġew involuti fil-promozzjoni tal-intrapriża permezz ta' miżuri differenti bħall-inċentivi fiskali u l-iskemi ta' finanzjament bħall-għotjiet finanzjarji offruti fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Ewropew għall-Investiment.

4.3.1   L-użu ta' xi inizjattivi li jkopru l-finanzjament u l-kapital inizjali jista’ ma jkunx laħaq il-livell mixtieq.

4.4   L-investituri informali (business angels), imsejħin anke investituri privati jew investituri informali ta' kapital ta' riskju huma kkategorizzati bħala sorsi mhux tradizzjonali ta' finanzjament u jipprovdu primarjament kapital f’forma ta' ishma lill-intrapriżi mill-fażi inizjali sal-fażi tal-ewwel tkabbir.

5.   Qafas ta' azzjoni li jista’ jiġi adottat biex jittaffa l-kollass ta' investiment u finanzjament u jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-kreditu

5.1   Fis-sitwazzjoni ekonomika attwali huwa importanti li jkun hemm implimentazzjoni mgħaġġla tal-Ismall Business Act (SBA). Il-KESE laqa’ l-SBA mħejji mill-Kummissjoni iżda issa jerġa’ jenfasizza li huwa fundamentali li jiġu implimentati l-inizjattivi proposti.

5.1.1   Fi żmien fejn il-likwidità hija lussu għall-SMEs, il-KESE jitlob li tiġi emendata d-Direttiva dwar il-ħlasijiet tard li tassigura li l-SMEs jitħallsu fil-ħin għat-transazzjonijiet kummerċjali kollha u li jiġi rispettat il-perijodu ta' pagament ta' 30 jum. Madankollu, l-implimentazzjoni teħtieġ li tkun verament prattika u li jkun hemm kunsens mill-fornituri (kemm privati kif ukoll pubbliċi).

5.1.2   Barra minn hekk, jeħtieġ li malajr kemm jista’ jkun tiġi implimentata Direttiva dwar rata mnaqqsa tal-VAT għas-servizzi fil-livell lokali u li jeħtieġu ħafna forza tax-xogħol, servizzi li prinċipalment jiġu pprovduti mill-SMEs. Minkejja li qajmet ċerta kontroversja, huwa meqjus li direttiva bħal din tistimula l-prattiċi kummerċjali tal-SMEs, u b’hekk isiru aktar attraenti għall-konsumatur finali.

5.2   Skont data fornita mill-Kamra Ewropea tal-Kummerċ, 30 % tal-SMEs jiffaċċjaw problemi ta' likwidità, kwart minnhom minħabba li ma jirċevux kreditu mill-banek. Fi żmien fejn il-banek huma soġġetti għal skrutinju intensiv u qegħdin isegwu approċċ konservattiv ħafna għall-finanzjament, jekk l-SMEs isiru l-mira ta' dan l-approċċ konservattiv ser ikun ta' detriment għall-ekonomija.

5.2.1   L-UE żiedet il-fondi bankarji destinati għall-SMEs permezz ta' żjieda fil-fondi tal-BEI b’riżultat tal-Pjan ta' Rkupru. Madankollu, l-esperjenza tal-SMEs hija li l-aċċess għall-kreditu permezz tal-banek għadu diffiċli ħafna. Għalhekk, anke jekk jidher li l-flus qegħdin jiġu dedikati għas-self mill-SMEs, fil-verità dan mhux qed imur għandhom. Għalhekk, huwa importanti li l-banek intermedjarji magħżula biex jiġġestixxu l-fondi tal-BEI huma banek li jappoġġjaw kompletament l-SMEs. Meta intermedjarju b’mod konsistenti ma jirnexxilux jgħaddi fondi bħal dawn lill-SMEs, il-BEI għandu jbiddel dan l-intermedjarju. Fl-aħħar, bil-għan li l-intermedjarji jitħeġġu jselfu verament dawn il-fondi tal-BEI lill-SMEs, ir-riskju ta' dan it-tip ta' self għandu jiġi kondiviż bejn il-BEI u l-intermedjarji u mhux biss bejn dawn tal-aħħar.

5.3   Kwistjoni importanti, speċjalment għall-kumpaniji li għadhom kif jinħolqu, huwa l-aċċess għall-kapital ta' riskju. Fl-Ewropa, is-suq tal-kapital ta' riskju fl-istadju bikri jirrappreżenta biss madwar EUR 2 biljun fis-sena, li huwa madwar 25 % biss tas-suq ekwivalenti Amerikan. Hija biss waħda minn kull 50 SMEs li ddur għal kumpanija ta' kapital ta' riskju biex tikseb finanzjament. L-informazzjoni dwar il-finanzjament ta' dan it-tip hija disponibbli faċilment, madankollu ta' spiss l-SMEs ma jindunawx bil-possibbiltà li effettivament jiksbu kapital riskjuż. Dan huwa marbut ukoll mal-approċċ prudenti relatat mar-riskju tal-intraprendituri Ewropej li jidhru li jirrikorru aktar għas-servizzi offruti mill-banek milli għall-kapital ta' riskju.

5.4   L-appalti pubbliċi jirrappreżentaw sors importanti għall-SMEs. Madankollu attwalment l-SMEs huma inqas kompetittivi f’dan il-livell minħabba l-esperjenza tal-intrapriżi l-kbar u anke minħabba r-regolamenti stretti għall-garanziji bankarji u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta' dħul. L-appalti pubbliċi għandhom jintroduċu inizjattivi aktar aċċessibbli mill-SMEs, bħal inqas kapital marbut mal-garanziji bankarji, titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-SMEs u appoġġ lill-clusters tal-SMEs.

5.5   Il-prijorità fundamentali għall-SMEs hija t-tnaqqis fil-burokrazija, li twassal għal piż amministrattiv u regolatorju disproporzjonat meta mqabbel mal-intrapriżi l-kbar. Huwa fatt li kumpanija kbira tonfoq medja ta' EUR 1 għal kull impjegat fuq doveri regolatorji, filwaqt li negozju żgħir irid jonfoq sa EUR 10. Il-Kummissjoni miexja fid-direzzjoni t-tajba fit-tnaqqis tal-burokrazija, madankollu għad fadal ħafna xi jsir biex jintlaħaq il-livell li effettivament jgħin lill-SMEs.

5.6   Il-kompetizzjoni sostenibbli hija l-futur għall-ekonomija tagħna. SMEs li jappoġġjaw prinċipji sostenibbli u li joperaw skont il-kriterji ta' ekonomija ekoloġika għalhekk għandhom jiġu megħjuna fil-proċess tal-finanzjament.

5.7   Il-fondi mill-UE huma ħafna u mifruxin, u jgħinu b’mod pożittiv lill-SMEs li huma involuti fit-teknoloġiji ġodda. Madankollu, hemm bżonn li jitħeġġu l-SMEs aktar tradizzjonali li jfornu prodotti/servizzi sabiex isegwu approċċi innovattivi anke fl-oqsma tagħhom ta' tħaddim. L-istrumenti ta' finanzjament għandhom jiġu kkonsolidati aktar biex jappoġġjaw dawn l-attivitajiet mifruxin tal-SMEs.

5.8   Il-KESE jirrikonoxxi li assoċjazzjonijiet bħal dawk li jagħmlu parti mill-Assoċjazzjoni Ewropea ta' Garanzija Reċiproka (European Mutual Guarantee Association, AECM) kienu strumentali matul il-kriżi. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli toħloq ambjent li jħeġġeġ dawk l-organizzazzjonijiet biex jibqgħu jappoġġjaw lill-SMEs fir-rigward tal-garanziji offruti għall-finanzjament tagħhom.

5.9   Il-Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) kien strument importanti għall-SMEs, u għalhekk il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm l-istrument tal-garanziji favur l-SMEs previst minn dan il-programm wara l-2013.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Flash Eurobarometer, Sondaġġ dwar l-Intraprenditorija fl-UE (25 Stat Membru), l-Istati Uniti, l-Islanda u n-Norveġja – Rapport Analitiku.

(2)  Ara “Islamic Finance in a European Union Jurisdiction Workshops' Report” (Finanzjament Iżlamiku f’Ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea – Rapport ta' Workshop) ippubblikat mill-Malta Institute of Management, il-Malta Employers Association u l-Malta Union of Bank Employees.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Wara l-kriżi: sistema finanzjarja ġdida għas-suq intern” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/08

Relatur: is-Sur IOZIA

Korelatur: is-Sur BURANI

Nhar it-18 ta’ Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar it-tema:

Wara l-kriżi: sistema finanzjarja ġdida għas-suq intern

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Lulju 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’160 vot favur, 8 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   B’din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jixtieq jipproponi xi riformi li jistgħu jsiru fis-sistema finanzjarja Ewropea fir-rigward ta’ kif għandha tiġi rregolata u kif tista’ taħdem aħjar sabiex jitnaqqsu r-riskji sistemiċi. Din il-kriżi tista’ terġa’ żżid fir-ritmu u l-intensità jekk ma titwaqqafx l-ispekulazzjoni bla rażan u jekk il-gvernijiet mhux ser jipprovdu r-rispons li issa ilu mistenni minnhom għal wisq żmien.

1.2   Wara l-kriżi, liema sistema finanzjarja ġdida għas-suq intern? Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)/is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), il-banek kummerċjali, tal-investiment, l-istituzzjonijiet finanzjarji mutwalistiċi, il-kooperattivi u etiċi, kif ukoll il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-fondi tal-pensjonijiet, il-fondi ta’ investiment, il-fondi ta’ private equity, il-hedge funds, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni; id-distributuri u l-bejjiegħa tal-prodotti finanzjarji u t-titoli, il-boroż, is-swieq mhux regolati, ir-regolaturi, l-awtoritajiet tal-monitoraġġ u l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu: dawn huma l-atturi ewlenin fis-sistema finanzjarja li qed jintalbu jibdlu l-imġiba tagħhom, jadattaw għal regolamentazzjoni aktar stretta, u jadattaw l-organizzazzjoni tagħhom għall-kompiti ġodda li ser jingħatawlhom.

1.3   Mhux l-atturi kollha tas-suq għandhom jitqiesu responsabbli bl-istess mod. B’xorti tajba xi setturi importanti, bħal xi gruppi transnazzjonali kbar, ma ġewx involuti direttament mill-kriżi, billi l-attivitajiet tagħhom kienu ’l bogħod mill-kasinò tal-finanzi. Il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, il-banek koperattivi, popolari u ta’ tfaddil, kif ukoll il-banek kummerċjali Ewropej u dinjija ewlenin ma kellhomx jagħmlu aġġustamenti finanzjarji minħabba t-telf, u lanqas ma kellhom jitolbu l-għajnuna mill-gvern.

1.4   “Din il-kriżi ġiet ikkawżata minn faqar morali” - il-KESE jtenni l-osservazzjoni li kien għamel Tomáš Bat’a fl-1932, filwaqt li jinnota li sfortunatament, ma nbidel xejn! Il-ħaddiema u l-pensjonanti, l-intrapriżi, iċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-konsumaturi u l-utenti, kollha jixtiequ bil-bosta li jkunu jistgħu jserrħu fuq sistema finanzjarja effiċjenti u sigura, bi spejjeż raġonevoli, li fiha jistgħu jafdaw it-tfaddil tagħhom b’fiduċja, li jistgħu jduru fuqha għal inizjattivi ekonomiċi, li jqisuha bħala strument indispensabbli għat-tkabbir ekonomiku u li tkun taqdi funzjonijiet soċjali importanti bħall-pensjonijiet u l-assigurazzjonijiet kontra l-mard, l-inċidenti u l-ħsarat. Il-kriżi finanzjarja gravi poġġiet dan kollu fil-periklu, minbarra li tellfet il-fiduċja b’mod ġenerali.

1.5   Hemm bżonn li terġa’ tinbena l-fiduċja fl-istituzzjonijiet finanzjarji, iżda wkoll fl-istituzzjonijiet politiċi u l-awtoritajiet regolatorji u ta’ superviżjoni, li ma setgħux u ma rnexxilhomx jevitaw dan id-diżastru li s’issa sewa EUR 2,3 triljuni skont l-aħħar stimi tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

1.6   L-opinjoni pubblika ntlaqtet bil-kbir. Il-kriżi tal-likwidità li ġiet wara l-kriżi finanzjarja tat daqqa ta’ ħarta kbira lill-ekonomija reali: il-qgħad qabeż l-10 %, bl-ogħla rata fil-Latvja bi 22 % u fi Spanja bi 19 %, b’total ta’ aktar minn 23 biljun persuna qiegħda f’Diċembru. Dan l-ammont huwa mistenni jogħla. Il-bilanċi pubbliċi kollha rreġistraw żbilanċi enormi, u dawn iridu jiġu rkuprati permezz ta’ miżuri korrettivi, li żgur mhux ser jgħinu t-tkabbir, iżda li se jwaqqfu l-irkupru li diġà kien qed jidher li se jseħħ b’mod biered, jiġifieri mingħajr effetti pożittivi fuq l-impjiegi.

1.7   Matul dawn l-aħħar snin, il-KESE fassal sensiela ta’ opinjonijiet fejn ippropona għadd ta’ riflessjonijiet, li ta’ sikwit ġew injorati, illi kieku instemgħu, żgur li kienu ser jgħinu biex tiġi evitata l-kriżi, jew almenu li jitnaqqsu l-effetti qerrieda tagħha.

1.8   Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej biex iħaffu l-proċess tar-riforma. Madwar sena u nofs wara li tressqu l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni de Larosière, il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet Ewropew għadu ma daħalx fil-fażi finali. Sfortunatament, il-gvernijiet dgħajjfu l-pjan ta’ riforma meta, eskludew pereżempju l-possibbiltà li tintervjeni awtorità Ewropea fi kwistjonijiet ta’ finanzjarji transkonfinali.

1.8.1   Il-KESE bi pjaċir jinnota l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inizjattivi leġislattivi li ser jittieħdu biex isaħħu r-regolamentazzjoni u t-trasparenza tas-suq finanzjarju. Dawn il-proposti, li saru meta kienet qed titħejja din l-opinjoni, sejrin fid-direzzjoni t-tajba. It-tisħiħ tal-monitoraġġ tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, il-ftuħ tad-dibattitu dwar il-governanza soċjali huma l-iktar aspetti importanti. Il-pakkett jinkludi r-rapporti dwar is-salarji tad-diretturi u l-politiki dwar ir-remunerazzjoni. Fi żmien bejn sitta u disa’ xhur il-Kummissjoni għandha tressaq iktar proposti biex jittejjeb it-tħaddim tas-swieq tad-derivattivi, miżuri adegwati għall-bejgħ skopert u s-CDS (Credit Default Swaps) u t-titjib fid-direttiva dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji (MiFID).

1.8.2   Il-KESE jistenna b’interess kbir l-inizjattivi l-oħra li tħabbru qabel fil-qasam tar-responsabbiltà: ir-reviżjoni tad-direttiva dwar is-sistemi ta’ garanzija tad-depożiti u d-direttiva dwar is-sistemi ta’ remunerazzjoni tal-investituri. Id-direttiva dwar l-abbuż tas-suq u d-direttiva dwar ir-rekwiżiti kapitali (CRD IV) ser jiġu emendati, filwaqt li qed titħejja proposta ġdida dwar il-prodotti tal-investiment bl-imnut f’pakkett (PRIP). Sabiex jitnaqqas l-arbitraġġ regolatorju, il-Kummissjoni ser toħroġ komunikazzjoni dwar is-sanzjonijiet fis-servizzi finanzjarji.

1.9   Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ ħidma aktar intensiva biex titħejja s-sistema finanzjarja ta’ wara l-kriżi, li trid tkun trasparenti, soċjalment u etikament responsabbli, ikkontrollata aħjar, u innovattiva, bi tkabbir bilanċjat, kompatibbli mal-bqija tas-sistema ekonomika, u orjentata lejn l-ħolqien tal-valur għal żmien medju u fit-tul u lejn it-tkabbir sostenibbli.

1.10   Għadd ta’ miljuni ta’ nies jaħdmu fid-dinja tal-finanzi. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn huma persuni bil-għaqal, li jaħdmu bi professjonalità u li jistħoqqilhom ir-rispett ta’ kulħadd. Iżda minoranza żgħira ta’ persuni irresponsabbli u bla skrupli poġġew fil-periklu r-reputazzjoni ta’ kategorija sħiħa ta’ ħaddiema, kemm irġiel kif ukoll nisa.

1.11   Il-KESE jirrakkomanda iktar trasparenza, b’mod partikolari fl-identifar tar-riskji. Is-swieq tal-OTC m’għandhomx ikunu miftuħa għal transazzjonijiet bilaterali, iżda għandhom ikunu illimitati għal transazzjonijiet ta’ kontroparti ċentrali, li bis-sorveljanza tal-livell ta’ riskju globali, ikun jista’ jiġi limitat l-aċċess għat-transazzjonijiet għal dawk il-partijiet li huma esposti wisq. Dawn it-transazzjonijiet għandhom iseħħu fuq pjattaforma unika, jew l-aktar l-aktar, fuq grupp definit ta’ pjattaformi, biex titjieb it-trasparenza tas-swieq.

1.12   Ir-responsabbiltà soċjali korporattiva fis-settur finanzjarju għandha tidħol fl-attivitajiet u fl-operati kollha. Il-volum tal-bejgħ ingħata iktar preferenza mill-investiment sew. Għandha terġa’ tidħol l-etika professjonali għolja, kundanna espliċita min-naħa tal-assoċjazzjonijiet tas-settur li għandhom iwasslu għal imġiba korretta, permezz ta’ ħidma ta’ prevenzjoni u għandhom jimponu penali fuq dawk l-intrapriżi li huma ħatja ta’ azzjonijiet li jsiru b’intenzjonijiet ħżiena, ta’ frodi u ta’ mġiba li tista’ twassal għal passi legali.

1.13   Għandu jkun hemm governanza aktar miftuħa u demokratika min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej, li tinkludi l-partijiet interessati fl-attivitajiet regolatorji u ta’ sorveljanza. Il-ħaddiema, l-intrapriżi, il-konsumaturi u l-utenti għandu jkollhom rwol rikonoxxut fil-governanza tal-intrapriża. Il-KESE jirrakkomanda parteċipazzjoni serja min-naħa tas-soċjetà ċivili fil-konsultazzjoni u fil-valutazzjoni tal-impatt. Deċiżjonijiet reċenti tal-Kummissjoni rigward l-għażla tal-gruppi ta’ esperti ser ikomplu jipprivilleġġaw l-industrija b’mod esklużiv, mingħajr l-involviment adegwat tal-konsumaturi u l-ħaddiema. Il-KESE lest li jkompli jirrakkomanda rappreżentanza bilanċjata tas-soċjetà ċivili fl-ambitu tal-gruppi ta’ esperti u tal-kumitati organizzati mill-Kummissjoni.

1.14   Governanza tal-intrapriżi fejn ir-rekwiżiti tal-integrità u t-trasparenza jestendu mill-amministraturi sal-azzjonisti; l-oriġini tal-kapital tagħhom sal-lum tqies li kellu oriġini legali iżda kien hemm eżempji kontroversjali li wrew li dan mhux dejjem huwa minnu.

1.15   Ir-rwol tal-maniġers kiber b’mod eċċessiv, kif għolew ukoll uħud mis-salarji astronomiċi tagħhom, li ma ntmessewx saħansitra wara n-nazzjonalizzazzjonijiet li twettqu biex ġew salvati wħud mill-istituzzjonijiet mill-falliment. Għandu jkun hemm politika serja dwar il-limitazzjoni tal-bonuses, li forsi għandhom jitqassmu biss jekk jinkisbu riżultati stabbli fuq tul ta’ żmien medju u aħjar mill-medja tas-sistema; l-inċentivi għall-persunal għandhom jintrabtu ma’ bejgħ responsabbli u mhux b’kampanji dwar il-prodotti bankarji mingħajr ma jiġu rispettati l-ħtiġijiet tal-konsumaturi; l-inċentivi għandhom jgħollu l-kwalità tal-kapital uman f’termini ta’ kontribut professjonali, sodisfazzjon tal-klijenti u professjonalità aħjar.

1.16   Il-KESE jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ sensiela ta’ miżuri effikaċi min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, li ma jidhrux konvinti ħafna mill-opportunitajiet li dan joffri mhux biss biex jogħlew l-istandards etiċi, iżda wkoll biex fil-futur jiġi ppriżervat il-profil tar-riskju, kemm dak espliċitu kif ukoll dak impliċitu. Ħafna operazzjonijiet b’riskji għoljin, li ttieħdu biex jitkattru l-profitti u l-bonuses, setgħu ġew evitati.

1.17   Il-KESE jitlob li titneħħa r-referenza għall-klassifikazzjoni mil-leġislazzjoni Ewropea għal dak li għandu x’jaqsam mal-klassifikazzjoni tal-investimenti u l-kopertura tagħhom fil-fondi riskjużi, b’konformità mal-prinċipji ta’ Basel II, u jitlob li l-awtoritajiet nazzjonali jirrevedu l-politika dwar l-investiment.

1.18   Il-klassifikazzjoni tad-dejn sovran tal-Istati Membri għandha ssir esklużivament permezz ta’ aġenzija Ewropea indipendenti ġdida. It-tħabbir ta’ downgrading tad-dejn sovran ta’ pajjiż - kif ġara dan l-aħħar bil-każ tal-Greċja u pajjiżi Ewropej oħra fid-diffikultà - ikkawża diffikultajiet serji fis-swieq u ħeġġeġ l-ispekulazzjoni bil-kbir, bir-riżultat li ġiet amplifikata l-perċezzjoni ta’ kriżi gravi.

1.19   L-għajnuniet li ngħataw lill-Greċja ser iservu biex titħares is-sistema finanzjarja internazzjonali li ggarantiet id-dejn tal-Greċja b’mijiet ta’ biljuni ta’ euro, u fdat lill-aktar bank tal-kummerċ importanti tad-dinja, li ħeba finanzjamenti importanti li ma dehrux fil-kontijiet uffiċjali ta’ Ateni. Biss biss il-banek Franċiżi (EUR 76,45 biljun) u dawk Ġermaniżi (EUR 38,57 biljun) sellfu madwar EUR 115-il biljun: għal darb’oħra l-Ewropej li jħallsu t-taxxi ser jintalbu jħallsu għall-imġiba illegali. Il-piż tal-kont ekonomiku u soċjali li ser ikollhom iġorru ċ-ċittadini Griegi huwa enormi.

1.20   Il-KESE jqis li hu f’waqtu li jiġi diskuss is-suġġett tat-tassazzjoni ta’ xi attivitajiet finanzjarji, b’mod partikolari dawk li huma spekulattivi. Reċentement ġiet adottata opinjoni dwar dan is-suġġett.

1.21   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu rraffinati s-sistemi integrati tal-ġestjoni tal-kriżi, li jipprevedu kriterji effikaċi ta’ twissija bikrija, ta’ prevenzjoni u ta’ ħruġ mill-kriżi. Hemm bżonn li jiġu żviluppati mekkaniżmi affidabbli ta’ responsabbiltà reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-aktar fir-rigward tal-gruppi Ewropej il-kbar: fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant, pereżempju, is-swieq finanzjarji huma kważi esklużivament f’idejn l-assigurazzjonijiet u l-banek tal-Punent.

2.   Daħla

2.1   “Il-kriżi ġiet ikkawżata mill-faqar morali

Żvolta fil-kriżi ekonomika? Jien ma nemminx fl-iżvolti spontanji. Dak li aħna drajna nsejħu kriżi ekonomika huwa biss isem differenti għall-faqar etiku.

Il-faqar morali huwa l-kawża, u l-kriżi ekonomika hija biss il-konsegwenza. Hemm ħafna nies f’pajjiżna li jaħsbu li huwa possibbli li nsalvaw lilna nfusna mid-deterjorament ekonomiku permezz tal-flus. Jien wisq nibża’ mill-konsegwenzi ta’ dan l-iżball. Fis-sitwazzjoni attwali, m’hemmx bżonn li jiġri xi ħaġa ta’ barra minn hawn jew li jkun hemm xi skemi.

Hemm bżonn ta’ approċċ etiku fil-konfront tan-nies, tax-xogħol u tal-proprjetà pubblika.

Qatt aktar għajnuna għall-fallimenti, qatt aktar djun, qatt aktar mhu se jintremew il-valuri għal xejn b’xejn, qatt aktar sfruttament tal-ħaddiema; kien ikun aħjar kieku għamilna affarijiet oħra biex noħorġu mill-faqar tal-perijodu tal-gwerra u għamilna x-xogħol u t-tfaddil aktar effikaċi, mixtieq u aktar onest, aktar milli ntlaqna għall-għażż u għall-ħela. Għandek raġun, hemm bżonn negħlbu l-kriżi ta’ fiduċja, iżda mhux se negħlbuha b’mezzi tekniċi, finanzjarji jew ta’ kreditu. Il-fiduċja hija fatt personali u tista’ terġa’ tiġi stabbilita biss permezz ta’ mġiba morali u l-eżempju personali.” Tomáš Bat'a, 1932.

2.2   Xejn ma nbidel.

2.2.1   Din il-kwotazzjoni, xi ħaġa mhux tas-soltu fl-opinjonijiet tal-Kumitat, isservi biex tintroduċi s-suġġett li huwa iktar minn analiżi akkademika u ripetuta tal-kriżi, tal-iżbalji tal-politika, tal-kontrolluri, tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni u anke tal-investituri u l-azzjonisti. Inħliet ħafna linka: biżżejjed ngħidu li l-miżuri li ttieħdu, li qed jiġu kkunsidrati jew ippjanati fil-qasam tal-viġilanża makroprudenzjali u mikroprudenzjali huma essenzjalment validi u razzjonali, iżda għad jonqos tgħaqqid organiku u strutturat bejn il-viġilanza tas-suq (il-banek, l-assiguraturi, is-swieq finanzjarji) u l-kontroll tas-sistemi tal-ħlas; dawn is-sistemi jistgħu jipprovdu sinjali prezzjużi - jekk jiġu interpretati sew – ta’ nuqqasijiet individwali jew ta’ riskji sistemiċi. L-awtoritajiet għandhom jaħsbu għal sistema ta’ dan it-tip li tqabbel il-kontrolli.

2.2.2   B’differenza mill-passat, is-soċjetà ċivili mhijiex beħsiebha tħalli d-dibattitu dwar il-futur tas-sistema finanzjarja f’idejn l-ispeċjalisti, il-persuni tekniċi u l-politiċi, iżda beħsiebha tieħu sehem attiv fil-bini ta’ sistema finanzjarja sostenibbli, billi inevitabbilment il-konsegwenzi tal-għażliet jolqtu lill-ħaddiema, l-intrapriżi u ċ-ċittadini. Il-flejjes pubbliċi li jintużaw l-ewwel nett għas-salvataġġ tal-iktar banek esposti, u wara bħala l-ossiġenu indispensabbli tal-ekonomija, fgata minn kriżi ta’ likwidità mingħajr preċedent, wassal sabiex jiżdied l-iżbilanċ u d-dejn pubbliku, li jkollhom jiġu bbilanċjati b’miżuri oħra korrettivi li mill-ġdid ser jgħabbu liċ-ċittadini b’dejn u taxxi, li żgur ma kienx hemm bżonnhom.

2.2.3   Is-sistema finanzjarja wara l-kriżi m’għandhiex u ma tistax tkun bħal dik li żvolġiet tul dawn l-aħħar 20 sena. It-tkabbir li jsir fi żmien qasir imħeġġeġ minn politika li ma tħarisx fit-tul għandu jsir ħaġa tal-passat.

2.2.4   Fil-fatt, il-profitti tant kienu kbar li taw spinta lill-iktar intrapriżi motivati biex jibdew fażi ta’ fużjonijiet li sa ftit snin ilu ħadd ma kien jimmaġinaha.

2.2.5   Dawn il-fużjonijiet twettqu għax kienu ffaċilitati mil-liberalizzazzjoni, u f’ħafna pajjiżi mill-privatizzazzjoni, iżda qabel kollox mid-direttivi tas-suq uniku, li ma neħħewx biss il-konfini territorjali, iżda wkoll dawk li kienu jisseparaw id-diversi kategoriji speċjalizzati: il-banek kummerċjali, il-banek tal-investiment, il-kumpaniji finanzjarji, il-kumpaniji kkwotati fil-boroż, id-depożitaturi tat-titoli, il-maniġers tas-sistemi tal-ħlas, l-assiguraturi, eċċ.

2.2.6   Il-konglomerati finanzjarji li nħolqu bis-saħħa t’hekk huma ta’ natura ferm eteroġenja, b’kumplessità fl-istrutturi tagħhom, b’azzjonisti b’aġendi differenti, b’golden shares (b’mod partikolari għall-banek li kienu pubbliċi) li jagħmluha diffiċli wisq, jekk mhux impossibbli li jsir monitoraġġ globali ta’ dawn l-istrutturi. Huwa biss issa, wara t-taqlib li ħasad is-swieq, li nfiehem il-bżonn ta’ viġilanza transnazzjonali. Iżda l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet qed jipproċedu wisq bil-mod. L-organizzazzjonijiet finanzjarji b’saħħithom qed ifittxu li jillimitaw r-regolazzjoni mill-awtoritajiet, u rnexxielhom jikkonvinċu lil xi gvernijiet Ewropej biex jappoġġjaw il-pożizzjoni tagħhom. Ir-rapport ta’ de Larosière, id-direttivi li segwew ir-rapport, ir-reviżjoni tal-ftehim ta’ Basel II u l-emendi tal-IASB qed jipproċedu bi tbatija kbira u ħafna mill-wegħdiet ta’ bidla jidhru li qed jitwarrbu.

2.3   Il-profitti

2.3.1   Il-profitti u t-tkabbir

2.3.1.1   Il-profitti kbar minn dejjem tqiesu bħala indiċi tas-saħħa ta’ kumpanija u dan huwa wkoll element li jikkontribwixxi għall-espansjoni meta l-profitti jiġu investiti. Kumpanija b’ROE ta’ 10 % li terġa’ tinvesti 10 % tal-profitti tagħha tista’ tikber b’10 % fis-sena, sakemm iżżomm ir-relazzjoni bejn id-dejn u l-assi kostanti: jekk tikber b’rata iktar mgħaġġla jfisser li jkollu jiżdied il-piż tad-dejn jew li jkollha tuża mill-kapital proprju tagħha.

2.3.1.2   Konsegwentement, il-kumpaniji bl-ogħla profitti għandhom l-ikbar opportunitajiet għat-tkabbir u l-iżvilupp.

2.3.2   Il-profitti u r-riskju

2.3.2.1   Ħafna drabi, biex jittejbu l-profitti jridu jittieħdu riskji kbar: f’dan ir-rigward wieħed jista’ jgħid li dak li jgħodd huwa l-profitti aġġustati għar-riskju. Hija biss iż-żieda fil-profitti aġġustati għar-riskju li toħloq verament valur ġdid (jiġifieri għall-azzjonisti, mhux bilfors għall-partijiet interessati l-oħra).

2.3.2.2   Min jiddeċiedi liema huma l-profitti adatti għar-riskju? Is-suq finanzjarju, naturalment.

2.3.2.3   X’tgħallimna mill-kriżi? Li anke jekk tjiebet il-kapaċità li ninterpretaw u nagħmlu stimi ta’ ħafna riskji, is-suq mhuwiex dejjem kapaċi li jikkwantifika b’mod adatt.

2.3.2.4   Dan ifisser li ċerti mudelli ta’ profitti u tkabbir, sewwasew tal-intrapriżi kif ukoll tal-ekonomija kollha kemm hi, dehru konvinċenti għax ma kinux qed jestimaw ir-riskji sew.

2.3.2.5   L-iktar lezzjoni importanti mill-kriżi hija li qatt m’aħna se nkunu kapaċi li nestimaw ir-riskji kollha b’mod preċiż.

2.3.3   L-elementi li jixprunaw il-profitti

2.3.3.1   Iż-żewġ elementi prinċipali li jixprunaw il-profitti, mhux biss għall-kumpaniji finanzjarji huma:

it-titjib fl-effiċjenza, li jsir possibbli mill-ekonomiji ta’ skala (espansjoni) u l-ekonomiji ta’ ambitu (espansjoni fl-offerta tal-prodotti u s-servizzi),

l-innovazzjoni: l-offerta ta’ prodotti u servizzi ġodda li, bis-saħħa ta’ kompetizzjoni inqas qawwija, ikollhom marġni ta’ profitt ikbar.

2.3.3.2   Għal dawn ir-raġunijiet, “il-kbir sabiħ” (big is beautiful) u “l-innovazzjoni finanzjarja hija tajba” (financial innovation is good) għal ħafna żmien kienu l-islogans ta’ ħafna atturi fis-suq finanzjarju. Iżda fil-fatt ir-riskji marbuta ma’ dawn il-fatturi kienu sottovalutati. Mill-ġdid:

2.3.3.3   Id-daqs – l-ekonomiji ta’ skala: ir-riskju prinċipali huwa r-riskju sistemiku tal-prinċipju “too big to fail”.

2.3.3.4   Il-varjetà tal-offerta – l-ekonomiji ta’ skop: ir-riskju ewlieni huwa dejjem in-natura sistemika, iżda jista’ jitqassar fi kliem il-prinċipju: “too interconnected to fail”.

2.3.3.5   L-innovazzjoni finanzjarja: l-innovazzjoni finanzjarja tfisser li jiddaħħlu prodotti/servizzi ġodda biex jiġu amministrati riskji ġodda jew biex riskji magħrufa jiġu amministrati b’mod ġdid. Li kieku dawn kienu attivitajiet ta’ kuljum, xi ħadd ikun diġà għamilhom. L-istimi tar-riskji konsegwenti ħafna drabi jkunu vagi ħafna.

2.4   Il-valutazzjoni fqira tal-innovazzjoni finanzjarja xprunat il-kriżi finanzjarja. Iżda fl-istess ħin l-innovazzjoni hija essenzjali għall-qligħ għoli – għoli wisq fid-dawl tar-rati ta’ tkabbir tal-ekonomiji żviluppati. Irridu mmorru dritt għall-kawża tal-problema, iktar mill-effetti: irridu naċċettaw rati ta’ qligħ u tkabbir imnaqqsa min-numri b’żewġ ċifri li s’issa ma kinux biss leġittimi, iżda anke dmirijiet li naspiraw għalihom. Dan għaliex, wisq probabbli, qligħ għoli ħafna, f’ekonomija li ma tistax tikber bl-istess mod bħal 50 sena ilu, iġib miegħu riskji li ma jistgħux jiġu injorati. Jekk ma ngħidux li f’ekonomija żviluppata ma jagħmilx sens li wieħed jistenna l-investimenti jagħtu ritorn ta’ żewġ ċifri, inkunu qed inkomplu nsostnu l-mezzi li wasslu għal pass ’il bogħod mill-kollass tas-sistema.

2.5   Il-banek u l-intermedjarji finanzjarji

Is-sistema finanzjarja taġixxi bħala intermedjarju għall-attivitajiet monetarji u finanzjarji u r-riskji. L-intermedjazzjoni tar-riskji ssir l-iktar b’kuntratti tad-derivattivi, l-iktar tat-tip OTC. Il-politika monetarja tista’ tinfluwenza direttament l-intermedjazzjoni monetarja u finanzjarja, iżda m’għandha l-ebda poter fir-rigward tad-derivattivi. Fil-fatt, id-derivattivi jużaw biss ammonti żgħar ta’ flus.

2.6   Ir-riskju tad-derivattivi: ir-riskji tal-ġestjoni tar-riskji

Id-derivattivi huma l-istrument prinċipali tal-innovazzjoni finanzjarja. Is-suq tal-OTC ipprovda arena tar-“risk sharing” fejn ir-riskji li oriġinarjament ittieħdu minn attur wieħed biss ikunu ġew trasferiti u maqsuma f’ħafna transazzjonijiet. Fit-teorija għandhom iwasslu għal frammentazzjoni u b’hekk biex jiddgħajfu l-karatteristiċi oriġinali li jestabilizzaw ir-riskji. Iżda ġie injorat il-fatt li l-interkonnessjonijiet numerużi abbinati ma’ dawn it-transazzjonijiet idaħħlu riskju kontraparti li diffiċli jiġi kkontrollat, u fil-fatt jintilef is-sens tar-riskju globali, u fenomenu tat-tip “too interconnected to fail”.

2.7   Triq li twassal għal sistema finanzjarja iktar stabbli

Huwa żbaljat li l-innovazzjoni finanzjarja titqies b’konnotazzjoni negattivi għax tkun ikkontribwixxiet għall-ħolqien ta’ premessi għall-kriżi. Madankollu, m’għandniex naħsbu li dak li ġara kien biss inċident bħal sajjetta fil-bnazzi: anzi juri li s-sistema, kif inhi, mhijiex aċċettabbli.

Arkitettura integrata tal-kontroll tar-riskji għandha timxi fuq tliet dimensjonijiet: l-istrumenti, is-swieq u l-istituzzjonijiet.

2.7.1   L-istrumenti

Minflok ma jiġi pprojbit il-ħolqien ta’ strumenti ġodda, għandu jiġi applikat tip ta’ mekkaniżmu ta’ reġistrazzjoni li jistabbilixxi lil min jistgħu jsiru l-offerti. L-istrumenti mhux reġistrati jistgħu jiġu użati biss mill-operaturi kwalifikati. Għandu jiġi applikat l-istess prinċipju tal-mediċini: xi wħud jistgħu jinbiegħu kważi liberament, u oħrajn meta jkun hemm riċetti, u oħrajn biss fi strutturi partikolari.

2.7.2   L-istituzzjonijiet

Is-superviżjoni mikroprudenzjali tradizzjonali li għandha tikkontrolla l-istabbiltà indipendenti (stand-alone) ta’ intermedjarju mhijiex biżżejjed. Biex jinħoloq qafas makroprudenzjali għandhom jiġu kkunsidrati żewġ fatturi esterni importanti:

l-interkonnessjoni. L-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom punti esposti komuni li jżidu l-konsegwenzi negattivi tar-riskju. Hawnhekk nerġgħu niffaċċjaw iż-żewġ problemi tal-kunċetti: “too big to fail” u “too interconnected to fail”,

il-proċiklità. Is-sistema finanzjarja għandha tiġġestixxi r-riskji tas-sistema reali. Fil-fatt, ħafna drabi jiġri li d-dinamika ta’ sistema waħda ssaħħaħ id-dinamika tal-oħra, bil-konsegwenza li l-effett tal-espansjoni ekonomika u l-kriżi jiħrax minflok ma jittaffa.

2.7.2.1   Fir-rigward tal-hekk imsejħa “shadow banking system”, m’hemmx biss skopijiet leġittimi ta’ flessibbiltà ikbar, iżda wkoll l-iskopijiet li jiġu evitati r-regoli prudenzjali. Il-partijiet regolati, bħall-banek, użawha għall-hekk imsejjaħ “arbitraġġ prudenzjali”, fi kliem ieħor biex iżidu l-lieva finanzjarja minkejja r-rekwiżiti operattivi tar-regoli. Din is-sistema għandha tiddaħħal fil-qafas regolatorju. Il-banek m’għandhomx ikunu jistgħu jużaw din is-sistema biex jevitaw l-obbligi tal-kapital.

2.7.3   Is-swieq

Il-kriżi uriet mingħajr l-iċken dubju li s-swieq finanzjarji m’għandhom l-ebda kapaċità awtonoma li jikkorreġu lilhom infushom permezz tal-ħolqien ta’ kondizzjonijiet ġodda ta’ bilanċ, fis-sitwazzjonijiet kollha. Għalhekk, il-possibbiltà li ngħaddu malajr minn sitwazzjoni ta’ abbundanza ta’ transazzjonijiet għal sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ likwidità hija waħda reali.

2.7.3.1   Meta t-transazzjonijiet isiru b’mod bilaterali, bħal fil-każ tal-OTC, il-falliment ta’ istituzzjoni malajr jista’ jolqot ħafna kontropartijiet, bil-konsegwenza tar-riskju sistemiku. Sabiex jiġu llimitati r-riskji sistemiċi tas-swieq, jeħtieġ li l-iskambji bilaterali jiġu sostituti b’kontropartijiet ċentrali: barra minn hekk, l-iskambji għandhom isiru jew fuq l-istess pjattaforma, jew fuq pjattaforma definita, sabiex tiġi żgurata l-ikbar trasparenza. Huwa minnu wkoll li dawn il-kondizzjonijiet ifissru standardizzazzjoni ikbar tal-kuntratti tal-skambjati: dan mhuwiex effett sekondarju li ma jkunx mixtieq, iżda konsegwenza pożittiva li ttejjeb it-trasparenza tas-swieq.

3.   Il-governanza

3.1   Jekk huwa diffiċli li jiġu mmonitorjati s-swieq, huwa ħafna iktar diffiċli li tiġi mmonitorjata l-governanza: jekk hemm l-impressjoni li l-monitoraġġ isir skont ir-rieda tal-maġġoranza, direttament jew permezz ta’ ftehimiet, fil-prattika d-diversi leġislazzjonijiet, xi wħud iktar permissivi minn oħrajn, jippermettu l-ħolqien ta’ entitajiet finanzjarji li ma jkollhomx oriġini ċara. Minbarra l-problema ġenerali ta’ trasparenza nsibu wkoll il-kwistjoni kumplessa tal-penetrazzjoni fid-dinja finanzjarja ta’ poteri mistura jew netwerks tal-kriminalità finanzjarja. Dawn jinkludu l-fondi sovrani jew taħt il-kontroll pubbliku, il-ħasil tal-flus, l-evażjoni tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali; fi kliem ieħor, il-preżenza – mhux bilfors predominanti – ta’ interessi “opaki”. Il-problema ma tirrigwardax biss il-gruppi l-kbar iżda tħaddan, forsi saħansitra iktar fil-fond, lil għadd enormi ta’ intrapriżi finanzjarji u ta’ fondi tal-investiment, li mhux bilfors ikunu ta’ daqs kbir. Id-direttivi jistabbilixxu r-regoli biex jinħatru l-persuni għal fuq il-bord tad-diretturi u liema ishma għandhom jidhru fil-boroż, iżda ma jsemmu xejn dwar l-oriġini tal-kapital, li b’mod impliċitu jammettu li huma rikonoxxuti bħala leġittimi. Dan ma jfissirx li għandhom jiddaħħlu regoli ġodda, iżda li għandhom jiġu stabbiliti rabtiet operattivi bejn l-awtoritajiet tal-investigazzjoni u l-awtoritajiet tal-monitoraġġ.

3.2   Il-ħolqa dgħajfa fil-katina tal-gruppi l-kbar, ħafna drabi tkun governanza dgħajfa u maħluqa għall-finijiet tal-maniġers, li saru l-kapijiet de facto tal-intrapriżi. It-taħlit tal-kapital, minħabba l-integrazzjoni progressiva bejn l-atturi tas-suq, iddetermina t-tnaqqis progressiv fil-poteri tal-azzjonisti ta’ referenza, f’xi każijiet sal-punt li ma jkunux jistgħu jiġġieldu kontra offerta għall-akkwist (takeover bid) ostili. Xi gruppi kbar ta’ livell internazzjonali l-ewwel ġew akkwistati u mbagħad tqattgħu biċċiet mill-kompetituri tagħhom b’konsegwenzi ferm negattivi għall-ekonomija reali u għall-ħaddiema.

3.3   “… fil-futur qarib naraw li s-soċjetà ser tkun organizzata f’sistema kompletament differenti mill-istituti ekonomiċi, soċjali u politiċi fundamentali u fejn anke l-fiduċja soċjali jew l-ideoloġiji prinċipali ser ikunu għalkollox differenti. Fl-istruttura ġdida soċjali ser ikun hemm grupp jew klassi differenti – il-maniġers – li ser ikunu l-klassi dominanti jew li jmexxu.” (James Burnham, The Managerial Revolution: What is Happening in the World. New York: John Day Co., 1941).

3.4   L-awtoritajiet politiċi, li pjuttost issottomettew lilhom infushom għall-maniġers bankarji, għażlu li jbaxxu rashom għal din it-trasformazzjoni. Lanqas bil-bejgħ obbligatorju tal-banek minn xi Stati ma rnexxielhom jistabbilixxu xi ordni fir-relazzjonijiet bejn il-maniġers u l-azzjonisti. It-telfa imbarazzanti tal-President Obama kontra d-diretturi tal-AIG, li f’buthom daħlu USD 165 miljun direttament mill-USD 170 biljun allokati mit-Teżor Amerikan, tagħti idea tal-poter żbilanċjat, f’dan il-każ sfaċċat u arroganti, tal-maniġers. Fl-Istati Uniti, il-banek il-kbar reġgħu ġew fuq saqajhom bis-saħħa tas-USD 787 biljun ta’ stimolu mħallas mit-taxxi tal-poplu. Imbagħad taw lill-maniġers tagħhom bonuses kbar (USD 49,5 biljuni biss bejn Goldman Sachs, JP Morgan Chase u Morgan Stanley). U issa, dejjem bis-saħħa tal-bonuses mirakolużi, ser jiffrankaw mit-taxxi: billi l-kumpensi jistgħu jitnaqqsu, is-sistema kollha kemm hi (skont il-kalkoli ta’ Robert Willens LLC) ser tiffranka madwar USD 80 miljun. Fl-Ewropa ċ-ċifri huma iktar mudesti, iżda r-Royal Bank of Scotland qassam GBP 1,3 biljuni. Xejn ma nbidel!

3.5   Għandu jsir ħafna ħsieb mill-ġdid dwar il-mekkaniżmi tal-governanza; għandu jerġa’ jinstab bilanċ fil-poter tal-kumpaniji bejn l-azzjonisti u l-maniġers u kull wieħed għandu jitqiegħed fil-post adatt.

3.6   Il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fil-governanza u f’demokrazija ekonomika iktar avvanzata tista’ tikkontribwixxi biex jerġa’ jinstab bilanċ fil-poter u biex l-istrateġija tal-intrapriża tibdel l-orjentazzjoni mill-perijodu l-qasir għal dawk fit-tul, b’vantaġġ ċar għall-ekonomija kollha kemm hi.

3.7   Profitti sostenibbli u stabbli, ġestjoni konxja tar-riskji u politika prudenti tal-investimenti lkoll għandhom ikunu karatteristiċi tal-approċċ il-ġdid tas-sistema finanzjarja, wara perijodu ta’ rati ta’ tkabbir b’żewġ ċifri mingħajr problemi.

4.   Il-kreditu: fattur ta’ żvilupp u funzjoni soċjali

4.1   Ir-rwol mingħajr sostitut tas-sistema finanzjarja li talloka r-riżorsi lejn attivitajiet produttivi għandu effett soċjali ċar u pożittiv. Ix-xogħol, il-ġid ġenerat mill-intrapriżi, anke bis-saħħa tal-appoġġ mill-banek, iqassmu mill-ġdid il-benesseri u s-servizzi għall-komunità. It-tifrix tar-riskju fl-assigurazzjoni jwassal għal stabbiltà u trankwilità fl-attivitajiet ekonomiċi.

4.2   Iżda din il-funzjoni soċjali m’għandhiex titfixkel mal-valutazzjoni “soċjali” tar-riskju. Il-bank huwa kumpanija bħal kwalunkwe kumpanija oħra, u jrid iwieġeb għall-fondi li jkunu fdati f’idejh: bank li jiffinanzja kumpanija fit-triq tal-falliment ikun qed jirriskja penali, u fil-każ ta’ kumpaniji privati jiġi akkużat li jkun wassalhom biex jiddejnu żżejjed.

4.3   L-uniku kriterju validu biex jingħata s-self huwa ta’ valutazzjoni tar-riskju flimkien ma’ apprezzament tal-finijiet soċjali tal-fondi disponibbli: hemm differenza bejn l-għażla li titlob fondi biex tiżdied il-produzzjoni jew biex jiġu evitati s-sensji u talba oħra bil-għan li l-attivitajiet jiġu ttrasferiti barra l-pajjiż. Dawn huma kriterji universali li japplikaw għall-banek kollha, kbar jew żgħar, kemm b’responsabbiltà limitata jew kooperattivi jew banek tat-tfaddil; anke dawk li jaqdu funzjoni li jsejħulhom “soċjali”, bħall-mikrokreditu, il-kreditu etiku jew il-kreditu soċjalment responsabbli.

5.   Liema hi s-sistema finanzjarja għal wara l-kriżi?

5.1   Kważi 80 sena ilu Tomáš Bat’a indika t-triq it-tajba: nerġgħu lura għall-etika professjonali; is-sejba mill-ġdid tal-valuri u l-prinċipji li ddgħajfu sew tul is-snin; l-aċċettazzjoni min-naħa tal-investituri ta’ rati tal-profitti iktar modesti, iżda iktar stabbli, b’politika fit-tul; is-separazzjoni tal-attivitajiet spekulattivi, li għandhom ikunu separati mill-bqija tal-attvitajiet finanzjarji u r-regolamentazzjoni aħjar ta’ dawk tal-ewwel.

5.2   Sistema finanzjarja trasparenti, li tagħti informazzjoni suffiċjenti biex jinftiehem ir-riskju marbut mat-transazzjonijiet proposti: mill-karti tal-kreditu li jduru (revolving credit cards) (dan l-aħħar xi operaturi kbar ħafna ġew pprojbiti milli jkomplu jbiegħu l-prodotti tagħhom li jmorru kontra l-liġi ta’ kontra l-użura u kontra l-ħasil tal-flus) u mill-prodotti finanzjarji sempliċi sa dawk iktar kumplessi.

5.3   Sistema finanzjarja soċjalment responsabbli. It-tfittxija għall-profitti f’perijodu qasir wasslet sabiex ħafna intrapriżi finanzjarji jippreferu l-kwantità tal-volumi tal-bejgħ mill-kwalità tas-servizz li jingħata lill-klijent. Ħafna nies ġew influwenzati mill-offerti ta’ prodotti finanzjarji li wrew li ma kienu adatti xejn għall-bżonnijiet tal-faddala. F’dawn il-każijiet ġie vverifikat li sar bejgħ li jmur kontra l-parir, is-sens komuni u l-istandard professjonali bażiku minflok skont il-parir għaqli. Sabiex jinkisbu riżultati aħjar, dan il-bejgħ ingħata spinta minn pressjoni kummerċjali kostanti u urġenti, b’tali mod li primjums u bonuses – u anke azzjonijiet li jistgħu jitqabblu mal-mobbing kontra dawk il-ħaddiema li ma jirnexxilhomx jiksbu r-riżultati rikjesti dejjem ogħla. Anke għas-sistema finanzjarja għandu japplika l-prinċipju stabbilit mil-liġi għall-frodi kummerċjali u difetti mistura.

5.4   Sistema finanzjarja etikament responsabbli. L-assoċjazzjonijiet f’din il-kategorija għandhom jadottaw inizjattivi għall-prevenzjoni tal-fenomeni patoloġiċi u jassumu r-responsabbiltà li jipprevjenu b’mod eżemplari dawk l-intrapriżi li jkunu nstabu ħatja ta’ episodji ta’ intenzjonijiet ħżiena, ta’ frodi, ta’ imġiba li tista’ tiġi mħarrka; s’issa ma ttieħdet l-ebda pożizzjoni.

5.5   Sistema finanzjarja regolata u kontrollata aħjar. L-atturi tas-sistema finanzjarja qed jiżdiedu, filwaqt li qed jonqsu l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet tal-viġilanza biex isegwu bir-reqqa l-iżviluppi tas-suq u dawk leġislattivi u biex sa ċertu punt jinżammu ’l bogħod atturi mhux adatti, jekk mhux organizzazzjonijiet kriminali. Jeħtieġ li jsir sforz ta’ razzjonalizzazzjoni, tindif u ordni. Il-finanzi, li għandhom isegwu l-mudelli ta’ ġestjoni iktar avvanzati, mhumiex eżattament industrija bħall-oħrajn. Dan is-settur jamministra kapital speċifiku: il-fiduċja tal-faddala u tal-klijenti xi ħaġa indispensabbli għall-attivitajiet tiegħu. Qabel, klassifikazzjoni AAA kienet biżżejjed għal titolu biex il-faddal iħossu moħħu mistrieħ għalkollox. Ir-realtà wriet li l-mekkaniżmi stabbiliti għadhom ferm ’il bogħod milli jiżguraw iċ-ċertezza.

5.6   Sistema finanzjarja innovattiva. It-tfittxija għal strumenti finanzjarji ġodda, li nħolqu biex jaqdu aħjar il-ħtiġijiet tas-suq, għandha tkompli sservi bħala l-mutur tal-ekonomija. It-tnaqqis tal-lievi finanzjarji, it-tkattir tal-opportunitajiet ta’ protezzjoni mir-riskji, il-kuntentizza bir-ritorn ġust huwa l-mod tajjeb għat-trażżin: ritorn għall-futur. Wara li ħadna żewġ passi lura bis-saħħa tal-avventuriżmu, issa rridu nieħdu tliet passi ’l quddiem lejn ġejjieni ta’ żvilupp sostenibbli.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kreattività u l-intraprenditorija: mekkaniżmi biex noħorġu mill-kriżi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/09

Relatur: is-Sinjura SHARMA

Nhar id-18 ta’ Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-kreattività u l-intraprenditorija: mekkaniżmi biex noħorġu mill-kriżi

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’109 voti favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Kelma ta’ qabel –“Il-pont”

Biex toħroġ mill-kriżi finanzjarja u tindirizza l-isfidi tal-qgħad, il-faqar, l-inugwaljanza, il-globalizzazzjoni u t-tibdil fil-klima, l-Ewropa għandha bżonn tiftaħ moħħ iċ-ċittadini tagħha.

1.1   Din l-Opinjoni tqis il-valur miżjud tal-kreattività u tal-intraprenditorija bħala mekkaniżmu għall-ħruġ mill-kriżi b’enfasi fuq l-investiment fil-kapital uman billi tissaħħaħ u titrawwem attitudni pożittiva lejn il-kapaċità tal-individwu.

1.2   L-intraprenditorija fl-Ewropa sikwit tiġi kkunsidrata bħala t-twaqqif ta’ negozji ġodda, l-SMEs, u s-setturi tal-qligħ u tal-intrapriża soċjali. L-intraprenditorija hija l-“kapaċità tal-individwu li jdawwar l-ideat f’azzjoni” u għaldaqstant il-valur tagħha għas-soċjetà, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi, ma jistax jiġi sottovalutat jew injorat. Tinkludi:

il-kreattività, l-innovazzjoni u t-teħid ta’ riskji,

il-kapaċità tal-ippjanar u l-ġestjoni ta’ proġetti bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet,

l-appoġġ fil-ħajja ta’ kuljum fid-dar u fis-soċjetà,

l-impjegati sabiex ikunu konxji mill-kuntest tax-xogħol tagħhom,

il-kapaċità li wieħed jaħtaf l-opportunitajiet,

il-pedament għal ħiliet u għarfien aktar speċifiċi meħtieġa biex tiġi stabbilita attività soċjali jew kummerċjali (1).

2.   Konklużjoni u rakkomandazzjonijiet

2.1   L-għan tal-Opinjoni huwa li tidentifika mezzi biex jiġi valutat il-potenzjal taċ-ċittadini Ewropej u ssarrfu f’azzjoni. Tuża approċċ għalkollox inklużiv biex jinħolqu l-opportunitajiet għal ammont ikbar ta’ nies indipendentement mill-età, is-sess, ir-razza, l-abilitajiet jew il-kundizzjonijiet soċjali. Madankollu, il-programmi speċifiċi reġjonali, nazzjonali u Ewropej li jippromovu l-kreattività u l-intraprenditorija għandhom jagħtu attenzjoni lill-gruppi żvantaġġati biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fis-soċjetà.

2.2   L-Opinjoni tindirizza l-punti li ġejjin:

kif tinżamm id-diversità tal-Ewropa u fl-istess ħin tiġi trasferita lejn identità komuni,

kif l-Ewropa ssir FORZA TA’ GĦAJNUNA u tagħti s-setgħa liċ-ċittadini tagħha biex jieħdu azzjoni,

kif tinħoloq Ewropa kburija, ambizzjuża u b’valuri fejn iċ-ċittadini tagħha huma ambaxxaturi li jiċċelebraw is-suċċess tal-kisbiet tagħhom.

2.3   B’segwitu għall-kriżi finanzjarja, il-KESE jirrikonoxxi l-bżonn li jiġi stimolat il-ħolqien tal-impjiegi u li jinħolqu ekonomiji b’saħħithom u sostenibbli fl-Istati Membri. Ix-xogħol ta’ kwalità għolja jeħtieġ intraprenditorija ta’ kwalità għolja kif ukoll investimenti fis-setturi pubbliċi u privati bil-għan li jkun kompetittiv fil-livell internazzjonali. L-intraprenditorija hija għodda li biha tista’ tiġi indirizzata din l-isfida, tagħti tama realistika ta’ suċċess lill-partijiet kollha tas-soċjetà u tgħin lill-Ewropa tikseb identità aktar dinamika.

2.4   L-Istrateġija UE 2020 għandha xpruni ewlenin tematiċi u ffokati fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

il-ħolqien tal-valur billi t-tkabbir jiġi bbażat fuq l-għarfien;

l-għoti tas-setgħa lin-nies f’soċjetajiet inklużivi; il-ksib ta’ kapaċitajiet ġodda, it-trawwim tal-kreattivita u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-intraprenditorija u t-tranżizzjoni bla xkiel bejn impjieg u ieħor ser ikunu kruċjali f’dinja li ser toffri aktar postijiet tax-xogħol u titlob lura aktar adattabilità;

il-ħolqien ta’ ekonomija kompetittiva, konnessa u aktar ekoloġika.

2.5   Il-kriżi tippermetti li jiġu stabbiliti mudelli ġodda ta’ żvilupp, tkabbir u governanza. Hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet qafas imtejbin u koerenti għall-bidla u dan jirrappreżenta opportunità biex l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jikkontribwixxu permezz ta’ mekkaniżmi prattiċi u tanġibbli.

2.6   Il-kapital uman tal-Ewropa jista’ jintuża malajr billi jinħoloq ambjent “FAVOREVOLI”, bil-kundizzjoni li jiġu APPLIKATI r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin, li huma sempliċi u vijabbli:

10 PASSI ewlenin lejn il-bidla

1.

VIŻJONI – Viżjoni Unika għall-Ewropa;

2.

EDUKAZZJONI – promozzjoni tal-ambizzjoni;

3.

MOBBILTÀ – il-ħolqien tal-opportunitajiet għal tagħlim organizzat;

4.

SENSIBILIZZAZZJONI DWAR IR-RISKJI – niggwidaw lill-Ewropej biex ma jibqgħux jistmellu r-riskju;

5.

STIMOLU – it-tħeġġiġ ta’ spirtu intraprenditorjali;

6.

OBBLIGU TA’ RENDIKONT – dwar il-proġetti Ewropej;

7.

KOMUNITÀ – il-promozzjoni ta’ ċittadinanza attiva;

8.

IMPLIMENTAZZJONI – ta’ politika għall-intraprendituri u l-SMEs;

9.

KONSULTAZZJONI – pjattaforma għal diskussjoni bejn il-partijiet interessati;

10.

PROMOZZJONI – ta’ kultura ġdida fil-mezzi tax-xandir u permezz ta’ ambaxxaturi.

2.7   Dawn ir-rakkomandazzjoni m’għandhomx jibqgħu l-kompitu ta’ parti interessata waħda iżda għandhom ikunu r-responsabbiltà ta’ kulħadd. F’dinja kumplessa li tinbidel b’rata mgħaġġla, l-individwi għandhom bżonn kapaċitajiet u ħiliet ġodda biex ma jiġux esklużi. Id-djalogu soċjali jista’ jinfluwenza l-bidla biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE 2020 u biex tiġi żviluppata intraprenditorija sostenibbli. Jeħtieġ li tinħoloq tradizzjoni madwar l-Ewropa li tippermetti lill-individwi u l-organizzazzjonijiet jiżviluppaw spirtu intraprenditorjali.

2.8   Il-valur Ewropew tal-investiment fl-intraprenditorija:

 

Jekk intik EUR 1 u inti ttini EUR 1, it-tnejn li aħna jkollna EUR 1,

 

Jekk intik idea u inti ttini idea, ikollna żewġ ideat.

Intraprenditorija fl-Ewropa = 500 miljun persuna + 500 miljun idea + 500 miljun azzjoni;

Minn dawn l-ideat, kemm minnhom jistgħu joħorġuna mill-kriżi?

3.   L-Ewropa llum il-ġurnata

3.1   Fl-2008, l-Ewropa daħlet fi kriżi finanzjarja li bdiet fl-Istati Uniti iżda li kellha impatti serji fuq id-dimensjonijiet ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà. Ir-raġunijiet tal-kriżi huma ddokumentati tajjeb peress li l-Ewropa kienet waħda minn dawk l-aktar milquta fil-perijodu medju u dak fit-tul.

3.2   Fl-2010, hemm aktar minn 20 miljun persuna qiegħda fl-UE. Il-maġġoranza ta’ dan il-kapital uman li mhux qed jintuża hija magħmula minn żgħażagħ, nisa, ħaddiema avvanzati fl-età, migranti u gruppi vulnerabbli oħra. Fil-perijodu qasir, la s-settur pubbliku, milqut minn defiċit enormi, u lanqas il-kumpaniji l-kbar, li qed jiffaċċjaw l-isfidi tal-kriżi u tal-globalizzazzjoni, mhu ser ikunu jistgħu joħolqu dawn l-impjiegi waħedhom. Il-mit ta’ ritorn malajr għat-tkabbir b’saħħtu u minnufih fl-UE mhuwiex realistiku sakemm ma jinbidlux il-kundizzjonijiet strutturali peress li l-qgħad huwa prinċipalment problema strutturali u mhux problema taċ-ċikli ekonomiċi.

3.3   L-UE għandha bżonn tiffoka fuq l-ekonomija, l-intraprenditorija sostenibbli, il-politika tal-impjiegi u dik soċjali iżda r-ritmu tal-globalizzazzjoni mhux ser jistenna lill-Ewropa tlaħħaq miegħu minkejja l-fatt li tista’ tikkontribwixxi ħafna għall-iżvilupp tal-oħrajn. Id-dimensjoni Ewropea hija opportunità għall-iskambju tal-esperjenzi u għodda għall-ħolqien ta’ identità Ewropea aktar b’saħħitha, kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha.

3.4   Illum l-Ewropa hija magħmula minn 27 Stat Membru koeżiv, produttiv u b’talent, u l-pajjiżi ġirien huma ħerqana li jingħaqdu mal-Unjoni. L-Ewropa għandha ħafna punti b’saħħithom – il-paċi, l-istabbiltà, id-diversità, sistemi ta’ regoli, il-governanza tajba u s-solidarjetà. L-Ewropa tirrispetta ħafna l-valuri soċjali u l-artijiet tagħha. F’termini ekonomiċi, l-Ewropa għandha suq ta’ 500 miljun persuna u n-negozji tagħha għandhom potenzjal ta’ tkabbir.

3.5   Issa huwa ż-żmien li l-Ewropa tagħmel l-aħjar użu mis-saħħiet kollettivi tagħna.

4.   L-intraprenditorija – saħħa Ewropea u mekkaniżmu għall-ħruġ mill-kriżi

4.1   L-intraprenditorija tikkonċerna l-ħolqien tal-ġid li ser iwassal biex l-Ewropa toħroġ mill-kriżi. It-Trattat ta’ Lisbona jirrikonoxxi l-intraprenditorija u d-diversità tal-atturi ekonomiċi u issa jeħtieġ li jinsabu mezzi ġodda biex l-intraprenditorija sostenibbli, bħala xprun ewlieni għat-tkabbir, iżżomm l-Ewropa kompetittiva.

4.2   Dan ser jinkludi t-tfittxija ta’ ideat ġodda u l-ksib ta’ momentum li jibni l-fiduċja, il-kredibbiltà u t-tkabbir kontinwu għall-futur. Il-ġid jappoġġja l-investiment fl-edukazzjoni, l-impjiegi, il-ħiliet, il-produttività, is-saħħa u l-kundizzjonijiet soċjali fejn l-intraprenditorija, il-kreattività u l-innovazzjoni huma strumenti fondamentali għall-progress tas-soċjetà.

4.3   Ammont kbir ta’ esperjenzi teoretiċi, empiriċi u prattiċi li saru mir-riċerkaturi u mill-intrapri¿i stabbilixxew konnessjoni ċara bejn l-intraprenditorija u t-tkabbir (2). L-assoċjazzjonijiet kummerċjali, il-konfederazzjonijiet tat-trejdjunjins, l-aġenziji internazzjonali tal-iżvilupp, il-Bank Dinji, l-ILO, l-OECD u l-NGOs jappoġġjaw il-promozzjoni tal-intraprenditorija bħala għodda ewlenija għat-tkabbir, l-iżvilupp, it-tnaqqis tal-faqar u l-inklużjoni soċjali. Ħafna opinjonijiet tal-KESE jagħmlu rakkomandazzjonijiet biex jiġi appoġġjat il-valur tal-intraprendotirja fis-soċjetà u bosta Stati Membri għandhom prattika tajba fir-rigward tal-intraprenditorija.

4.4   L-intraprenditorija ġiet identifika globalment bħala mutur għall-innovazzjoni, l-investiment u l-bidla u taqdi rwol indispensabbli għall-ħruġ mill-kriżi ekonomika attwali u l-livell għoli ta’ inċertezza li ġġib magħha. F’dan il-kuntest, ir-rikonoxximent tal-ħiliet u tal-kompetenzi permezz tal-intraprenditorija huwa wieħed mill-mekkaniżmi biex jissolvew il-problemi u jissawru ideat ġodda.

4.5   Fl-UE, l-iżvilupp ekonomiku dejjem kien ibbilanċjat ma’ impenn qawwi favur id-dimensjoni soċjali u dan għandu jissokta permezz ta’ attivitajiet intraprenditorjali li għandhom jiġu inkorporati fil-ħajja ta’ kuljum. Inkluż f’oqsma mhux kummerċjali:

l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar huma appoġġjati mill-intraprenditorija għax is-soċjetà hija l-qofol tal-analiżi tal-innovazzjoni (3) peress li tbiddel l-ideat, il-prattiki u l-istituzzjonijiet tagħha.

il-protezzjoni ambjentali hija bbażata fuq sorsi tal-enerġija sostenibbli u l-adattament għat-tibdil fil-klima u dan ser iwassal biex jinħolqu mezzi ġodda ta’ ħidma, biex l-impjiegi jsiru aktar ekoloġiċi u biex jinħolqu impjiegi u teknoloġiji ekoloġiċi ġodda.

it-turiżmu, ir-riġenerazzjoni u l-migrazzjoni, inkluż l-għoti ta’ ħajja mill-ġdid lir-reġjuni rurali u dawk l-anqas vantaġġati ser jirrikjedu attivitajiet intraprenditorjali għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tibdil tal-infrastruttura, partikolarment għas-setturi bħar-riġenerazzjoni urbana, l-agrikoltura, il-foresterija, it-turiżmu fil-gżejjer (4) u l-agrituriżmu.

l-edukazzjoni tuża l-kreattività biex tidentifika l-ixpruni rilevanti li jistimolaw tiftixa għall-għarfien biex jiġi żgurat li n-nies jitgħallmu fil-livelli u l-etajiet kollha.

il-kura tas-saħħa tuża mezzi ġodda ta’ ħidma u t-teknoloġija biex tipprovdi l-aqwa ambjent għall-għoti tal-kura, ir-riċerka, u l-provvediment ta’ mediċini u trattamenti.

ix-xejriet demografiċi ser jeħtieġu adattamenti soċjali, soluzzjonijiet ġodda u kreattivi biex jindirizzaw l-infrastruttura, is-servizzi, l-impjiegi, il-familja u l-protezzjoni soċjali.

l-NGOs, inklużi l-proġetti ta’ għajnuna u ta’ taħriġ, huma effettivi u rivoluzzjonarji f’bosta setturi li jirrikjedu soluzzjonijiet ġodda biex jingħelbu l-isfidi soċjali.

il-kapaċitajiet tas-settur pubbliku ser ikollhom bżonn soluzzjonijiet biex jipprovdu l-istess għajnuna u jtejbuha b’baġit imnaqqas.

4.6   Kull persuna għandha talent, bl-ispirtu kreattiv u intraprenditorjali li jissaħħaħ meta l-ambjent jgħin biex jiġu promossi dawn l-attivitajiet. L-enfasi fuq l-individwu, fejn titqies id-diversità, hija essenzjali għaliex l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni huma forzi negattivi li jżidu l-inugwaljanza fl-opportunitajiet: inqas ma jintlaħaq il-potenzjal tan-nies, inqas ma jkunu mmotivati biex jiżviluppaw lilhom innifishom (5). B’mod partikolari fl-Ewropa, illum il-ġurnata dan jista’ joffri soluzzjonijiet ġodda biex jiġu indirizzati l-ammonti kbar ta’ persuni qiegħda u mingħajr kwalifiki. Barra minn hekk, approċċ ta’ diversità jista’ joħloq opportunitajiet għal ammont ikbar ta’ nies indipendentement mill-età, is-sess, ir-razza, l-abilitajiet jew il-kundizzjonijiet soċjali.

4.7   Sensiela ta’ fatturi kollettivi jaqdu rwol li joħolqu ambjent proattiv għal suċċess f’kull dimensjoni tal-ħajja, inkluż il-ħruġ mill-kriżi:

VIŻJONI ċara b’MISSJONI fattibbli u OBJETTIVI li jistgħu jintlaħqu;

PROĠETT b’GĦAN/IDENTITÀ KOMUNI;

ENFASI u “ATTITUDINI POŻITTIVA LEJN IL-KAPAĊITÀ TAL-INDIVIDWU”

TMEXXIJA li tippromovi l-individwalità flimkien ma’ VALURI komuni b’saħħithom.

5.   10 PASSI – lista tal-affarijiet li jistgħu jsiru u li għandhom jiġu implimentati biex jinħoloq ambjent favorevoli

It-tkabbir ma jseħħx f’vakwu; jenħtieġ nies li għandhom approċċ simili lejn il-ħajja, netwerks u partijiet interessati. Fl-aħħar mill-aħħar, it-tradizzjoni fis-soċjetà, fil-post tax-xogħol u d-dar ser tippermetti l-intraprenditorija għall-individwi u l-organizzazzjonijiet, inkluża l-promozzjoni tal-ħolqien tal-impjiegi permezz ta’ kumpaniji żgħar u żjieda fil-provvista ta’ impjegati kkwalifikati. Il-partijiet interessati – min iħaddem, it-trejdjunjins, l-NGOs, is-settur pubbliku u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet – ser ikollhom jingħaqdu biex jindirizzaw bidla kulturali u jippermettu li tiġi sfruttata “kultura intraprenditorjali” minn KULĦADD biex mhux biss jappoġġjaw il-ħruġ minn din il-kriżi iżda wkoll biex jingħelbu l-isfidi fit-tul tad-dinja.

5.1   Viżjoni Unika għall-Ewropa  (6) trid tiġi kkomunikata, bi strateġija u objettivi konkreti. Din trid tinkludi tmexxija politika fejn kulħadd iwieġeb għad-deċiżjonijiet li jieħu, responsabbiltà u sens ta’ realtà. Għandha tingħata spinta ġdida u jitlesta l-Proġett tas-Suq Uniku li ser iġib benesseri ekonomiku għal kulħadd, iktar mobilità, ħiliet ġodda, opportunitajiet tan-negozju u għażla usa’. L-intraprenditorija għal kulħadd trid tkun trasversali u tolqot kull qasam ta’ politika.

5.2   L-edukazzjoni intraprenditorjali madwar l-Ewropa fi ħdan il-kurrikulu kollu u bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja għadha teħtieġ impenn konkret mill-mexxejja. Il-promozzjoni tal-ambizzjoni u l-importanza tal-kreattività u l-intraprenditorija jridu jiġu apprezzati u mhux mfixkla man-negozju u l-ġenerazzjoni tal-profitti. Il-kreattività tiżviluppa permezz tat-tagħlim f’sistemi formali u informali. L-edukaturi għandhom ikunu involuti bis-sħiħ biex jiżguraw li titwassal il-komunikazzjoni t-tajba. L-għalliema jistgħu jkunu kontra definizzjoni restrittiva tal-intraprenditorija, bħal fil-każ tat-twaqqif ta’ negozji ġodda, iżda jistgħu jkunu aktar favur kunċett wiesa’ bħala kompetenza ewlenija għall-ħajja. It-“Turġien intraprenditorjali” biex jiġu żviluppati l-attivitajiet u t-tagħlim jistgħu jgħinu biex jiddaħħal l-“ispirtu” fil-klassi (7).

5.2.1   L-għalliema jeħtieġu stili li huma fl-avangwardja u tagħlim u mekkaniżmi sperimentali sabiex iwasslu lill-istudenti kompetenzi u teknoloġiji aġġornati li jirriflettu l-globalizzazzjoni. Iridu jqisu r-rwol tagħhom bħala persuni li jgħinu lill-istudenti jsiru aktar indipendenti u jieħdu inizjattiva għat-tagħlim tagħhom. It-taħriġ effettiv tal-għalliema, l-iskambju ta’ prattika tajba u n-netwerks (8), kif ukoll tal-metodoloġiji u tal-għodod jistgħu jappoġġjaw lill-għalliema huma u jadattaw għall-istili kollha ta’ tagħlim. Is-sħubijiet ma’ min iħaddem, it-trejdjunijns u l-NGOs jistgħu jiġu kkunsidrati biex jiġi appoġġjat it-trasferiment tal-għarfien.

5.3   Il-ħolqien ta’ opportunitajiet għall-mobbiltà organizzata għat-tagħlim irid isir aspett naturali tal-karattru Ewropew. L-aċċess għat-tagħlim huwa fattur deċiżiv għall-koeżjoni soċjali, il-parteċipazzjoni politika u l-eżerċizzju taċ-ċittadinanza (9). Inizjattiva ambizzjuża għal Skema tal-Edukazzjoni tal-UE tas-seklu 21 tista’ tinfetaħ għad-diskussjoni mal-partijiet interessati tal-KESE u iktar tard tiġi proposta lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE.

5.3.1   It-trijangolu tal-għarfien (edukazzjoni, innovazzjoni u riċerka) jaqdi rwol kruċjali fil-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjiegi fil-futur. Erasmus, Leonardo, Socrates u programmi oħrajn bħal dawn iridu jkunu miftuħin għal kulħadd, b’inqas ostakoli għall-aċċess, tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi u jipprovdu l-inċentivi tajbin għall-parteċipazzjoni. Il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ Europass li jiġbor fih l-attivitajiet kollha ta’ tagħlim li jsiru fl-Ewropa.

5.4   Li niggwidaw lill-Ewropej biex ma jibqgħux jistmellu r-riskju u biex iħaddnu attitudni “pożittiva lejn il-kapaċità tagħhom” b’kultura ta’ riskji “evalwati” għandu jkun l-enfasi sabiex tiġi żviluppata soċjetà produttiva. Il-benefiċċji u l-premji tal-kreattività u tal-innovazzjoni għas-soċjetà għandhom jiġu promossi bi sforz konxju biex nitbiegħdu mill-kultura negattiva ta’ falliment li hija preżenti fl-Ewropa illum il-ġurnata.

5.4.1   Iridu jiġu kkunsidrati mekkaniżmi innovattivi għal aċċess għall-finanzi. Dawn jistgħu jinkludu mekkaniżmu ta’ mikrokreditu (PROGRESS, FSE, JASMINE, JEREMIE u CIP) u self mikro għal unjins tal-kreditu u proġetti tal-komunità (10). Dawn l-għodod jistgħu jappoġġjaw mhux biss l-intraprendituri iżda wkoll is-sostenibilità ta’ inizjattivi għall-komunitajiet u l-iżvilupp, b’mod speċjali għall-NGOs.

5.4.2   L-istrumenti li diġà jeżistu għall-appoġġ tal-innovazzjoni jridu jiġu aġġustati biex jirriflettu l-karatteristiċi li qed jinbidlu (servizzi – miftuħa, li jitmexxew mill-utent – innovazzjoni). L-indirizzar u t-tnaqqis tal-kumplessità, żjieda fil-flessibilità tal-iskemi, li l-kollaborazzjoni tkun iktar faċli, u aċċess iktar malajr għall-fondi huma mekkaniżmi li jistgħu jħaffu t-trasformazzjoni tal-għarfien fi prodotti li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati.

5.5   It-tħeġġiġ ta’ kumpaniji kbar biex joħolqu u jistimolaw l-ispirtu intraprenditorjali. Il-kompetenza u t-talenti tal-ħaddiema kollha jridu jiġu stmati billi l-forza tax-xogħol tħaddan fiha ħafna ħiliet prattiċi u intellettwali. L-identifikazzjoni ta’ kompetenzi u ta’ dak li mhuwiex tanġibbli għandha titħeġġeġ bl-iżvilupp ta’ għodod ġodda għall-appoġġ ta’ dan ir-rikonoxximent.

5.5.1   L-opportunitajiet ta’ impjieg u apprendistati għall-istudenti u l-persuni qiegħda għandhom jiġu promossi aħjar u mħeġġa.

5.5.2   L-iżvilupp ta’ Qafas ta’ Kumpaniji għat-twaqqif ta’ kumpaniji derivati, fejn il-kumpanija l-kbira tappoġġja, tagħti pariri u toffri opportunitajiet fis-suq għall-innovaturi, jista’ jintuża biex jiġu introdotti fis-suq tal-brevetti rreġistrati ġodda. Miżuri li jappoġġjaw kumitati tad-djalogu soċjali u l-imsieħba soċjali biex iwettqu u jikkontribwixxu għal valutazzjonijiet tal-impatt fl-indirizzar tal-Istrateġija tal-Impjieg tal-UE u l-UE 2020 jridu jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp ta’ relazzjonijiet u l-promozzjoni tal-aqwa ambjent tax-xogħol.

5.6   Jeħtieġ li jiġu valutati l-objettivi fit-tul tal-proġetti Ewropej biex jiġi ġġustifikat l-investiment. Din il-valutazzjoni għandha tikkunsidra s-sostenibilità tal-proġetti, il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati ta’ suċċess u għandha tibni fuq ir-riżultati li jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha.

5.6.1   Dan jista’ jinkludi l-użu ta’ proġetti interġenerazzjonali u transettorjali, inklużi l-clusters, sabiex jiġi propost li jingħaqdu flimkien l-esperjenza u mħuħ b’ideat ġodda biex jinqasmu ħiliet, snajja’, għarfien u netwerks ġodda permezz ta’ relazzjonijiet bejn il-konsulenti esperti u l-għalliema privati. Il-promozzjoni ta’ proġetti tal-ekonomija sostenibbli ma’ intraprendituri ekoloġiċi konxji mill-isfidi tat-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta’ enerġija u ta’ sorsi ta’ karburanti fossili ser tenfasizza l-ħarsien ambjentali.

5.7   Il-promozzjoni ta’ inizjattivi komunitarji u ta’ ċittadinanza attiva biex jitħeġġu proġetti għall-benefiċċju tal-komunità u/jew li jitnedew mill-komunità, b’perspettiva Ewropea. Din għandha tqis id-diversità u dawk li huma vulnerabbli ħafna u tista’ tiġi akkuppjata ma’ mekkaniżmu Ewropew ta’ ċertifikazzjoni volontarja għar-responsabbiltà soċjali korporattiva u ma’ possibbiltajiet ta’ reviżjoni għall-inizjattivi Komunitarji.

5.8   Impenn qawwi għall-implimentazzjoni ta’ politiki li jappoġġjaw ambjent favorevoli għall-intraprendituri li jridu jibdew in-negozju tagħhom huwa essenzjali. 98 % tal-kumpaniji kollha fl-UE huma SMEs u bit-tradizzjoni twila tagħha ta’ żvilupp tal-SMEs, il-qafas tal-UE jrid jinżamm u jittejjeb (11):

L-Ismall Business Act għall-Ewropa u l-prinċipju “Aħseb l-ewwel fiż-żgħir” (SME) għandhom jesiġu impenn serju f’ħafna Stati Membri u huma neqsin minn dak li huwa meħtieġ fi kriżi. Għandhom jiġu indirizzati l-aċċess u l-parteċipazzjoni akbar tal-SMEs fi proġetti tal-UE u fl-akkwist pubbliku, bi swieq miftuħa li jappoġġjaw it-tkabbir ta’ intraprendituri. Għandu jingħata appoġġ għal ambjenti interattivi bl-użu ta’ inkubaturi, clusters, ċentri tax-xjenza u tat-teknoloġija u s-sħubijiet mal-qasam akkademiku. Dan jista’ jinkludi ONE-STOP-SHOP tal-UE bħala sors ta’ informazzjoni għall-intraprenditorija fis-setturi kollha.

Għandha tiġi meqjusa wkoll xibka ta’ sigurtà tas-sigurtà soċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, u li tikkunsidra l-aspetti uniċi tal-ġestjoni tan-negozju, b’mod partikolari f’termini ta’ maternità, kura tat-tfal u l-għeluq tan-negozju.

Il-Kunsill ser jadotta l-Istatut tal-UE dwar Kumpaniji li huma SMEs, biex b’hekk jappoġġja l-proġett tas-suq uniku u sabiex l-operazzjonijiet transkonfinali jsiru iktar faċli għall-SMEs. Dan il-proġett, li oriġina bħala inizjattiva tal-KESE, joħloq identità Ewropea għal intraprendituri ġodda.

Iktar sensibilizzazzjoni u appoġġ għal Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ  (12). Għal impatt reali għandhom jinstabu soluzzjonijiet sabiex jiġu attratti aktar kumpaniji ospitanti u biex jiġi rikonoxxut il-kontribut tagħhom. Dan jista’ jinkludi “Premju għall-Intraprendituri Ewropej”, Marka tal-UE jew parteċipazzjoni f’opportunijiet b’viżibbiltà kbira. L-Akkreditazzjoni tal-Ħiliet għall-Intraprendituri, b’differenza mill-ħaddiema, rari tista’ titwettaq u b’hekk jibqgħu ma jiġux rikonoxxuti mis-soċjetà għall-kontribut tagħhom.

5.9   L-użu tal-għarfien espert permezz tat-twaqqif ta’ Pjattaforma għal Diskussjoni bejn il-Partijiet Interessati dwar it-tisħiħ tal-Ispirtu u l-Kultura ta’ “Innovazzjoni u Kreattività” tal-UE. It-trawwim tal-kooperazzjoni bejn il-partijiet interessati jista’ joffri rakkomandazzjonijiet ta’ politika komuni u trasversali dwar suġġetti bħat-titjib fir-relazzjonijiet bejn id-dinja akkademika u l-industrija, l-innovazzjoni f’ambjenti kummerċjali u mhux kummerċjali, il-mobbiltà tar-riċerkaturi, l-użu tal-fondi strutturali, l-aqwa prattiki globali u t-twaqqif ta’ qafas għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet urġenti. Id-djalogu soċjali biex tiġi ffaċilitata l-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali fil-livell reġjonali u lokali jista’ jippromovi l-profil tal-Intraprenditur Ewropew li huwa l-iktar adatt għas-seklu 21.

5.10   Il-promozzjoni ta’ kultura ġdida permezz tal-mezzi tax-xandir b’netwerk ta’ ambaxxaturi u xempji pożittivi. Għandha tiġi promossa kultura li tirrikonoxxi l-ħsieb intraprenditorjali u tappoġġja inizjattivi għal kumpaniji ġodda u li qed jikbru, intraprendituri soċjali, l-innovazzjoni fis-settur pubbliku, il-kreattività fil-post tax-xogħol, l-ippjanar tas-suċċessjoni u l-parteċipazzjoni tal-impjegati. Il-kultura l-ġdida tal-intraprenditorija fl-Ewropa titlob tmexxija u appoġġ permezz ta’ kelliema jew “ambaxxaturi”.

6.   Il-kriżi hija l-istimolu sabiex l-Ewropa mhux biss tirrikonoxxi l-potenzjal taċ-ċittadini tagħha iżda wkoll trawwem fihom l-ispirtu intraprenditorjali u l-ħsieb.

6.1   Din il-kriżi mhux ser tkun l-unika waħda li l-Ewropa ser tiffaċċa u biex jiġi żgurat li l-Ewropa tkun preparata għall-isfidi fil-futur, għandu jinħoloq momentum billi jiġu implimentati l-10 passi bħala mekkaniżmu biex nimxu l-quddiem, flimkien ma’:

pjan ta’ Azzjoni;

grupp ta’ ħidma Ewropew dwar l-intraprenditorija;

pjattaforma tal-partijiet interessati;

summit Ewropew u tal-G20 dwar l-intraprenditorija;

innovazzjoni fl-Ewropa (Ewropa 2020).

6.1.1   IlL-KESE jista’ jiżviluppa dawn l-ideat flimkien mal-partijiet interessati fil-futur qarib.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2005) 548. Punt 7 tal-Anness.

(2)  Audretsch, D. B. u R. Thurik (2001), Linking Entrepreneurship to Growth, OECD Science, Technology and Industry Working Papers, 2001/2, OECD Publishing. doi: 10.1787/736170038056.

(3)  EUCIS-LLL Barċellona 2010.

(4)  Bornholme, Danimarka.

(5)  Hillman 1997.

(6)  Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw:

I

Il-viżjoni għall-Ewropa: Stati Uniti tal-Ewropa b’rispett għall-kulturi u l-lingwi kollha u miftuħa għad-dinja

II.

Is-saħħa tal-Ewropa: il-ħolqien ta’ entità komuni u paċifika wara sekli ta’ gwerer ċivili u kunflitti;

III.

L-UE tfisser: entità politika għanja li toffri l-opportunitajiet massimi għal individwi u ħolm kollettiv;

IV.

Li tkun Ewropew ifisser li taqsam valuri komuni, l-iktar taħlita tajba ta’ valuri individwali (prestazzjoni) u kollettivi;

V.

Il-benefiċċju li tkun ċittadin tal-UE: tuża d-dimensjoni tal-UE f’termini kulturali, ekonomiċi u xjentifiċi, sabiex jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kwalifiki tal-individwi nnifishom għall-ġejjieni tagħhom u ta’ oħrajn.

(7)  ĠU C 309, 16.12.2006, p. 110 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Towards greater cooperation and coherenxe in entrepreneurship education, KE, Marzu 2010.

(9)  BIG ISSUE, ACAF Spanja.

(10)  www.european-microfinance.org – eżempji ta’ proġetti ta’ inklużjoni komunitarja u soċjali bbażati fuq l-intraprenditorija.

(11)  L-SMEs ta’ sikwit huma kkunsidrati l-ikbar grupp ta’ intraprendituri u r-rakkomandazzjonijiet biex jiġi appoġġjat it-tkabbir tagħhom ġew iddokumentati tajjeb mill-KETU u l-UEAPME u mill-KESE f’ħafna opinjonijiet.

(12)  Il-Programm Intrapriża Erasmus għal intraprendituri, KE Kummissjoni DĠ Intrapriża.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tweġiba mill-UE għat-tibdil fil-bilanċ tal-poter ekonomiku dinji” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/10

Relatur: is-Sur CALLANAN

Nhar it-18 ta’ Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Tweġiba tal-UE għat-tibdil fil-bilanċ tal-poter ekonomiku dinji (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Lulju 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’135 vot favur, 4 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Sinteżi u konklużjonijiet

1.1   L-Istati Membri Ewropej batew l-agħar kriżi ekonomika mis-snin tletin u l-irkupru għadu inkonsistenti, dgħajjef u vulnerabbli. Wara l-iktar kriżi severa mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, il-bilanċi globali nbidlu; l-Ewropa trid tiddefinixxi mill-ġdid il-pożizzjoni u l-istrateġiji tagħha fi ħdan il-qafas il-ġdid. Peress li 85 % tal-kummerċ tal-Ewropa huwa fis-swieq tagħha stess, uħud mit-tweġibiet għall-isfidi l-ġodda ser jiġu minn ġewwa. Iż-żieda fid-domanda interna hija kruċjali għal Unjoni sostenibbli jekk trid li tindirizza l-isfidi dinjija. Il-KESE ħareġ għadd ta’ opinjonijiet f’dan ir-rigward. Din l-opinjoni tanalizza d-dimensjoni esterna tat-tweġiba tal-UE għall-kriżi ekonomika dinjija: il-pożizzjoni l-ġdida tal-Ewropa fis-suq dinji. Hija tħares lejn il-bidliet fil-prestazzjoni ekonomika tal-UE fis-suq dinji u l-effetti internazzjonali taż-żieda fil-poter taċ-Ċina u dak ta’ ekonomiji oħra li qed jiżviluppaw; tpoġġi mistoqsijiet maħsubin biex iwasslu għall-analiżi ta’ dawn il-kwistjonijiet u għal diskussjoni dwar l-implikazzjonijiet tagħhom għar-rabtiet politiċi u ta’ kummerċ tal-UE mal-bqija tad-dinja; u toffri l-ħsibijiet u l-ideat tas-soċjetà ċivika għal dibattitu politiku li l-konklużjonijiet tiegħu ser ikollhom konsegwenzi ta’ importanza kbira.

1.2   L-Ewropa qed tiffaċċja sfidi fundamentali hija u tirreaġixxi għat-tibdil drammatiku fir-relazzjonijiet dinjija fil-qasam tal-ekonomija, il-politika u l-kummerċ li permezz ta’ din ir-reċessjoni qed iseħħ b’pass mgħaġġel. Għandha tadatta ruħha billi: tistimola t-tkabbir; toħloq aktar impjiegi ta’ kwalità aktar għolja u tagħmel l-ekonomija aktar “ekoloġika” u innovattiva; tikseb il-mira ta’ 75 % b’rabta mar-rata tal-impjiegi stabbilita fl-Istrateġija 2020 u tiżgura li jiġu inklużi l-gruppi f’riskju bħaż-żgħażagħ, in-nisa, il-persuni ta’ mezza età u l-persuni b’diżabbiltà.

1.3   Sal-lum, il-proġett Ewropew uża ħafna mill-enerġija tiegħu fuq attivitajiet interni: il-bini tas-Suq Uniku, l-organizzazzjoni tal-istituzzjonijiet, argumenti fuq il-flus u n-negozjar bla tmiem ta’ għadd ta’ trattati. Biex l-UE toħroġ minn din ir-reċessjoni u jirnexxilha torganizza ruħha mill-ġdid biex tindirizza l-isfidi tas-seklu 21, l-għaxar snin li ġejjin iridu jkunu karatterizzati minn Ewropa li tħares lil hinn minnha. Hija u tagħmel dan, l-UE trid tkun aktar konxja u aktar attenta għall-iżviluppi li qed iseħħu, b’mod partikolari minħabba l-interazzjoni bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina u l-influwenza ta’ gruppi potenti fi ħdan il-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħall-hekk imsejħa BRICs (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina).

1.4   Jekk tagħmel dan, fi kliem is-Sur Barroso, il-President tal-Kummissjoni, l-Ewropa “ikollha r-riżorsi, l-intelliġenza, il-kapaċità kritika, l-istorja u r-riżorsi umani, intellettwali u kulturali” biex tirnexxi.

1.5   Fil-Programm ta’ Ħidma tagħha l-Kummissjoni impenjat ruħha biex: tnaqqas l-ostakoli fil-fluss internazzjonali tal-kummerċ u tal-investiment; tagħlaq in-negozjati bilaterali li għaddejjin bħalissa; ittejjeb l-infurzar tal-ftehimiet eżistenti; u tieħu inizjattivi biex tiftaħ il-kummerċ għal oqsma ta’ tkabbir bħat-tekonoloġija avvanzata, is-servizzi u s-servizzi ambjentali.

1.6   Tendenza inkwetanti hija l-fatt li m’hemm l-ebda settur tat-teknoloġija avvanzata li fih l-Ewropa hija fuq quddiem nett fid-dinja u l-UE lanqas m’għandha biżżejjed kumpaniji fit-teknoloġiji avvanzati biex tkun tista’ tisfrutta b’mod adegwat it-teknoloġiji abilitanti essenzjali (Key Enabling Technologies) tal-futur.

1.7   Il-KESE jindika l-importanza tal-kwistjonijiet tal-kompetittività li mhumiex fl-ambitu strett tal-enfasi ta’ din l-opinjoni dwar il-ħsara tal-protezzjoniżmu u t-tweġiba għat-tibdil fil-klima: l-inkoraġġiment ta’ intrapriżi fi stadju bikri (start up enterprises) b’natura intraprenditorjali u approċċ globali; is-sostenn ta’ setturi li għandhom importanza strateġika għall-Ewropa; il-konsiderazzjoni tal-potenzjal tal-esportazzjoni tas-servizzi pubbliċi bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni; u l-inkoraġġiment lill-bliet fl-UE biex “jingħaqdu” mal-kontropartijiet tagħhom madwar id-dinja.

1.8   Waħda mill-konsegwenzi tar-reċessjoni dinjija kienet li l-politiki tal-protezzjoniżmu saru aktar attraenti. Id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, Pascal Lamy, widdeb lill-pajjiżi biex jevitaw din it-tentazzjoni.

1.9   Lil hinn mill-UE, hemm bżonn li d-Doha Round jiġi konkluż b’suċċess, iżda dan jidher li huwa diffiċli. Sadanittant, l-UE qed tfassal netwerk ġdid ta’ relazzjonijiet u ftehimiet bilaterali kemm mal-pajjiżi żviluppati kif ukoll ma’ dawk li qed jiżviluppaw li ser jinfluwenzaw dejjem iżjed il-politiki kumplessivi tal-kummerċ.

1.10   Għanijiet oħra importanti tal-politika tal-UE huma: ir-reċiproċità f’dawn il-Ftehimiet Bilaterali ġodda tal-UE, inkluż fejn possibbli appoġġ lis-sigurtà fil-qasam tal-enerġija; li jiġi żgurat li r-regoli huma flessibbli u jistgħu jiġu adattati għal ċirkustanzi li ta’ sikwit jinbiddlu b’rata mgħaġġla; it-tneħħija tal-ostakli li mhumiex tariffarji, fosthom l-ostakli “lil hinn mill-konfini”, it-trasparenza fix-xogħol u l-istandards tal-kwalità skont ir-regoli tal-ILO; ftehimiet għall-kummerċ ħieles għall-prodotti u s-servizzi ambjentali.

1.11   Il-ftehimiet ambjentali multilaterali jridu jimxu id f’id mal-ftehimiet fis-sistema tal-kummerċ internazzjonali b’mod li jappoġġjaw u mhux ifixklu lil xulxin.

1.12   Is-sigurtà tal-enerġija qiegħda fil-qalba tal-isfida li qed tiffaċċja l-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima. Pereżempju permezz ta’: negozjar ta’ ftehimiet komuni dwar provvista esterna (kif diġà qed isir fil-kuntest tal-ftehimiet dwar kummerċ bilaterali); bejgħ tal-għarfien espert u t-teknoloġija għat-titjib tal-infrastruttura bħall-“grilji intelliġenti” jew il-ġenerazzjoni l-ġdida tat-teknoloġiji għall-ġenerazzjoni tal-elettriku permezz tal-użu ta’ karburanti mhux fossili; l-iskambju ta’ teknoloġiji ġodda li qed jiġu żviluppati biex jintlaħqu l-miri attwali ta’ “20 %” tal-UE fil-qasam tal-enerġija alternattiva; it-tiftix ta’ opportunitajiet biex l-għarfien espert jiġi esportat b’mod li jiġu żviluppati u użati inċentivi għat-tnaqqis tal-karbonju.

1.13   Aktar ma d-dinja ssir interdipendenti u magħquda, aktar il-metodu ta’ ħsieb ta’ dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika jrid ikun komuni għal kulħadd. L-interazzjoni reċiproka tas-Suq Uniku Ewropew u tal-politika tal-kummerċ qatt ma kienet importanti daqs kemm hi llum. U lanqas il-fatt li jiġi żgurat li l-konsultazzjoni meħtieġa fi ħdan l-UE, bejn l-istituzzjonijiet u mal-Istati Membri tagħha jsostnu u jappoġġjaw l-iżvilupp, il-ftehim u l-implimentazzjoni effettivi ta’ politika tal-kummerċ aktar flessibbli.

1.14   Minn perspettiva aktar umana, hemm bżonn niġġieldu kontra l-biża’ u l-insigurtà li ġejjin mit-tibdil fil-poter ekonomiku. Is-soċjetà ċivili organizzata għandha opportunità u dmir tgħin lin-nies, il-politiċi u l-ekonomiji huma u għaddejjin mit-tibdil.

1.15   L-istrateġija l-ġdida 2020 tal-Kummissjoni hija l-ewwel tweġiba politika strateġika tal-UE għar-reċessjoni u t-tibdil fil-bilanċ tal-poter ekonomiku dinji. Is-suċċess tal-istrateġija jeħtieġ risposta kkoordinata Ewropea li tinkludi l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili (kwotazzjoni minn Barroso fil-komunikazzjoni dwar l-UE 2020). Biex tirreaġixi għat-tibdil fil-poter ekonomiku globali, l-UE trid tistrieħ fuq is-sħubija bejn l-Istat u s-soċjetà ċivili organizzata biex tikseb prestazzjoni ekonomika għolja u l-koeżjoni soċjali.

1.16   Iżda l-Kummissjoni ftit għandha għad-dispożizzjoni tagħha strumenti diretti biex tinfluwenza l-progress; ir-responsabbiltà tintrefa’ fil-biċċa l-kbira tagħha mill-gvernijiet tal-Istati Membri, li issa għaddejjin ukoll minn pressjoni domestika finanzjarja, politika u soċjali li kulma jmur qed tiżdied.

2.   Introduzzjoni

2.1   “L-Istati Membri Ewropej batew l-agħar kriżi ekonomika mis-snin tletin...u l-irkupru għadu inkonsistenti, dgħajjef u vulnerabbli.”  (1) Wara l-iktar kriżi severa mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, il-bilanċi globali nbidlu; l-Ewropa trid tiddefinixxi mill-ġdid il-pożizzjoni u l-istrateġiji tagħha fi ħdan il-qafas il-ġdid. Peress li 85 % tal-kummerċ tal-Ewropa huwa fis-swieq tagħha stess, uħud mit-tweġibiet għall-isfidi l-ġodda ser jiġu minn ġewwa. Iż-żieda fid-domanda interna hija kruċjali għal Unjoni sostenibbli jekk trid li tindirizza l-isfidi dinjija. Il-KESE ħareġ għadd ta’ opinjonijiet f’dan ir-rigward (2). Din l-opinjoni tanalizza d-dimensjoni esterna tat-tweġiba tal-UE għall-kriżi ekonomika dinjija: il-pożizzjoni l-ġdida tal-Ewropa fis-suq dinji. Hija tħares lejn il-bidliet fil-prestazzjoni ekonomika tal-UE fis-suq dinji u l-effetti internazzjonali taż-żieda fil-poter taċ-Ċina u dak ta’ ekonomiji oħra li qed jiżviluppaw; tpoġġi mistoqsijiet maħsubin biex iwasslu għall-analiżi ta’ dawn il-kwistjonijiet u għal diskussjoni dwar l-implikazzjonijiet tagħhom għar-rabtiet politiċi u ta’ kummerċ tal-UE mal-bqija tad-dinja; u toffri l-ħsibijiet u l-ideat tas-soċjetà ċivika għal dibattitu politiku li l-konklużjonijiet tiegħu ser ikollhom konsegwenzi ta’ importanza kbira.

2.2   L-Ewropa tiddependi mill-ekonomija dinjija u bħalissa tiddomina ħafna mis-swieq tagħha, iżda kemm ser iddum? Fl-1800, l-Ewropa u l-estensjonijiet tagħha “fid-dinja l-ġdida” kienu jgħoddu 12 % tal-popolazzjoni dinjija u madwar 27 % tad-dħul totali tagħha. Din id-dominanza laħqet il-quċċata tagħha fl-1913 meta l-ekonomiji “żviluppati” kellhom 20 % tal-popolazzjoni dinjija iżda aktar minn nofs (aktar minn 50 % ) tad-dħul. Illum is-sehem tagħna mill-popolazzjoni tad-dinja huwa ta’ 12 %, u dan qed ikompli jonqos, iżda s-sehem tagħna mid-dħul dinji għadu ta’ madwar 45 % (3).

Biex wieħed jittratta b’mod effettiv l-impatt tal-bidliet li qed iseħħu bħalissa fis-swieq dinjija, il-KESE jemmen li dawk responsabbli għat-tfassil tal-politiki fl-UE jista’ jkollhom bżonn jiffukaw u jqisu b’aktar reqqa r-realtajiet il-ġodda tar-relazzjonijiet kummerċjali tal-Ewropa mad-dinja, partikolarment il-prestazzjoni tagħha fl-esportazzjoni.

3.   Kuntest

3.1   Il-kummerċ Ewropew

3.1.1   Il-valur totali tal-esportazzjonijiet Ewropej huwa stmat li hu fir-reġjun ta’ USD 1.3 triljun. Jekk wieħed jeskludi l-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-UE rrappreżentat 16 % tal-esportazzjonijiet dinjija totali fl-2008 u l-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE fl-esportazzjoni kienu l-Istati Uniti, ir-Russja, l-Isvizzera, iċ-Ċina u t-Turkija.

3.1.2   F’dinja globalizzata fejn il-pajjiżi tal-UE huma suġġetti ewlenin fi swieq importanti, il-politiki li jiggwidaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Ewropej iridu jadattaw għall-iżviluppi globali bħall-impatt fuq ir-relazzjonijiet politiċi tal-poter ekonomiku li qed jikber tal-imsieħba kummerċjali – iċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil. Iżda kif għandha tadatta l-Ewropa? Billi l-UE tieħu rwol akbar fl-affarijiet dinjija? Jew billi tagħmel bil-maqlub u taċċetta li qed tiżviluppa paradigma globali differenti – fejn l-influwenza predominanti hija “G2” ġdida Washington u Pekin?

3.1.3   Fil-Programm ta’ Ħidma tagħha l-Kummissjoni tagħraf li l-Kummerċ Internazzjonali hu wieħed mill-ixpruni tat-tkabbir għall-impjiegi u l-investiment fl-Unjoni Ewropea u hija impenjata li: tnaqqas l-ostakoli fil-fluss internazzjonali tal-kummerċ u tal-investiment; tagħlaq in-negozjati bilaterali li għaddejjin bħalissa; ittejjeb l-infurzar tal-ftehimiet eżistenti; u tieħu inizjattivi biex tiftaħ il-kummerċ għal oqsma ta’ tkabbir bħat-tekonoloġija avvanzata, is-servizzi u s-servizzi ambjentali. Qasam kritiku ser ikun it-titjib tar-relazzjonijiet bilaterali mal-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun u r-Russja.

3.2   Il-kummerċ Ewropew fl-ekonomija dinjija

3.2.1   Ir-reċessjoni qed tbiddel il-poter ekonomiku dinji. Mill-2000 sal-2007 l-ekonomiji emerġenti, l-aktar iċ-Ċina, wessgħu l-bażi tal-investiment tagħhom u issa qegħdin fuq quddiem fl-irkupru globali, l-aktar bis-saħħa tat-tkabbir fl-esportazzjoni (pereżempju 17.7 % f’Diċembru 2009). Fl-istess perjodu, l-UE kellha prestazzjoni inkonsistenti fl-esportazzjonijiet u telf konsiderevoli fuq xi swieq dinamiċi, l-aktar fl-Asja u r-Russja.

3.2.2   Fiċ-Ċina hemm irkupru fl-ekonomija kollha xprunat mill-esportazzjoni, iżda dan għadu prattikament aspirazzjoni fl-UE. Il-Kummissjoni qed tipproġetta li l-esportazzjoni tal-UE tikber b’5 % fl-2010 u b’5.1 % fl-2011, bis-saħħa tat-tnaqqis fil-valur tal-Euro relattivament għall-imsieħba fil-kummerċ ewlenin tagħna, iżda dan mhuwiex, u lanqas mhu jitqies li ser isaħħaħ l-irkupru ekonomiku nazzjonali ħlief għall-pajjiżi bħall-Ġermanja u l-Irlanda li diġà għandhom parteċipazzjoni qawwija fil-kummerċ internazzjonali (4).

3.2.3   Rapport tal-Kummissjoni Ewropea innota li l-prestazzjoni tal-UE fl-esportazzjoni tal-prodotti b’teknoloġija avvanzata kienet batuta, u dan wassal għal tħassib dwar il-kapaċità tal-Ewropa li żżomm il-prodotti tagħha fuq quddiem nett fir-rigward tal-kwalità u l-innovazzjoni. (5) Il-prestazzjoni fis-servizzi wkoll marret lura u wriet tnaqqis fis-sehem tas-suq bejn l-2004 u l-2006. Din hi tendenza inkwetanti, kif huwa inkwetanti wkoll il-fatt li m’hemm l-ebda settur tat-teknoloġija avvanzata li fih l-Ewropa hija fuq quddiem nett fid-dinja u l-UE lanqas m’għandha biżżejjed kumpaniji fit-teknoloġiji avvanzati biex tkun tista’ tisfrutta b’mod adegwat it-teknoloġiji abilitanti essenzjali (Key Enabling Technologies) tal-futur.

3.2.4   Minkejja dawn id-dgħufijiet, l-UE hija l-ewwel imsieħeb kummerċjali fil-qasam tas-servizzi, l-akbar esportatur u t-tieni l-akbar importatur tal-merkanzija u hija sors u destinazzjoni ewlenija tal-investiment dirett dinji. Għalhekk, hemm ħafna x’jorbot lill-Ewropa li żżomm u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fl-arena globali tal-kummerċ iżda biex tagħmel dan hemm bżonn ta’ mentalità ġdida li għandha għeruq sodi fir-realtajiet ta’ ambjent kummerċjali globali li hu differenti u ħafna aktar kumpless.

3.2.5   Il-KESE jindika l-importanza tal-kwistjonijiet li mhumiex fl-ambitu strett tal-enfasi ta’ din l-opinjoni dwar il-ħsara tal-protezzjoniżmu u t-tweġiba għat-tibdil fil-klima: l-inkoraġġiment ta’ intrapriżi fi stadju bikri (start up enterprises) b’karattru intraprenditorjali u approċċ globali; is-sostenn ta’ setturi li għandhom importanza strateġika għall-Ewropa; il-konsiderazzjoni tal-potenzjal tal-esportazzjoni tas-servizzi pubbliċi bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni; u l-inkoraġġiment lill-bliet fl-UE biex “jingħaqdu” mal-kontropartijiet tagħhom madwar id-dinja.

3.3   L-ibbilanċjar mill-ġdid tal-poter ekonomiku u l-politika

3.3.1   Il-falliment tal-Lehman Brothers, wieħed mill-eqdem banek tal-investiment f’Wall Street, u l-konfużjoni li segwiet fis-suq inkluż dak globali tal-manifattura għaddew mill-għar deklin mit-Tieni Gwerra Dinjija u waqqgħu l-ekonomija tad-dinja f’daqqa. L-interventi tal-Istati evitaw l-effett domino fis-sistema bankarja dinjija iżda ma setgħux jevitaw li l-flussi tal-kapital jonqsu f’daqqa waħda u malajr.

3.3.2   L-impatt fuq il-kummerċ kien immedjat hekk kif il-kreditu ġie limitat u l-infiq tal-konsumaturi kkrolla, biex b’hekk il-kumpaniji kellhom inaqqsu l-produzzjoni. Iżda l-gravità ta’ dan l-aġġustament varja ħafna bejn blokki differenti tal-kummerċ, iċ-Ċina kienet l-ewwel li rkuprat, bis-saħħa tad-deċiżjoni tal-gvern tagħha li jadotta politika fiskali li tefgħet USD 580 biljun fl-ekonomija tagħhom biex jistimolaw irkupru mgħaġġel.

3.3.3   F’Marzu 2009, ttieħdet azzjoni politika f’Pekin, Londra, Washington u Frankfurt. Il-mexxejja tal-G20 wegħdu USD 1 triljun f’appoġġ mill-FMI u l-Bank Dinji biex isir fil-livell dinji dak li kien sar fl-istati individwali. Din il-laqgħa rat l-affermazzjoni ta’ suġġetti li kienu għadhom kemm saru qawwija u/jew influwenti fil-kuntest globali jirrappreżentaw ordni ekonomiku dinji ġdid u ċaqliqa enormi fir-relazzjonijiet ekonomiċi b’implikazzjonijiet li jistgħu jkunu profondi għall-politika tal-kummerċ tal-UE.

3.3.4   Pajjiżi li jikkunsmaw iżżejjed bħall-Istati Uniti ġew imħeġġa li jnaqqsu l-infiq tagħhom u l-pajjiżi li kellhom il-kreditu u riżervi żejda tal-munita ġew imħeġġa biex isaħħu d-domanda tal-konsumaturi. Issemmiet l-importanza ta’ trajettorji fl-ekonomija globali li jkunu sostenibbli u bbilanċjati u ġie enfasizzat l-interess tal-UE li tikkoopera aktar mill-qrib mal-bqija tad-dinja.

3.3.5   Minkejja r-ritorn reċenti għat-tkabbir, hemm raġunijiet li jiġġustifikaw il-kawtela. L-ekonomisti għadhom inċerti dwar id-direzzjoni futura tal-ekonomija dinjija. Hemm mistoqsijiet dwar meta u kif għandhom jitneħħew l-istimoli fiskali, l-effetti tagħhom sal-lum u s-sostenibbiltà fit-tul. Filwaqt li hemm xi ritorn għat-tkabbir hemm ukoll “reċessjoni umana” (6). Il-livelli għoljin ta’ qgħad jagħmluha diffiċli għall-mexxejja dinjija li jiddefendu l-kummerċ liberali politikament, intellettwalment u fil-qasam domestiku.

3.3.6   B’risposta għal din il-bidla fil-bilanċ tal-poter, dawk responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE għandhom l-isfida li jadattaw malajr għall-implikazzjonijiet tagħha; jiżviluppaw il-mentalità l-ġdida li hi meħtieġa biex jagħmlu dan; jaġixxu b’mod li kollettivament ikun aktar koeżiv, reflettiv u pront; jappoġġjaw opportunitajiet għall-ħolqien tax-xogħol bħall-“ekonomija l-ħadra”, jgħinu lill-kumpaniji jħarrġu l-impjegati tagħhom mill-ġdid; jagħtu għodod ġodda lil dawk li tilfu x-xogħol biex jidraw u jadattaw ruħhom għal dawn il-possibbiltajiet il-ġodda peress li aġġustamenti strutturali fil-passat urew li l-appoġġ lill-individwi biex jidraw u jadattaw ruħhom huwa l-aktar tweġiba politika effettiva (7).

4.   Żewġ kwistjonijiet ewlenin

4.1   Protezzjoniżmu

4.1.1   Waħda mill-konsegwenzi tar-reċessjoni dinjija kienet li l-politiki tal-protezzjoniżmu saru aktar attraenti. Id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, Pascal Lamy, widdeb lill-pajjiżi biex jevitaw din it-tentazzjoni (8). L-UE ggwadanjat l-aktar minn regoli trasparenti u li jistgħu jiġu infurzati li jappoġġjaw u jiffaċilitaw ambjent ta’ kummerċ kompetittiv b’mod ġust u oġġettiv. Iżda skont il-Kummissarju tal-Kummerċ tal-UE Karel De Gucht, s’issa ddaħħlu 280 miżura ta’ restrizzjoni tal-kummerċ waqt il-kriżi ekonomika attwali mill-imsieħba ewlenin tal-kummerċ tal-UE. Hemm tħassib li dawn il-miżuri jistgħu jsiru parti ġdida u permanenti tal-qafas tal-kummerċ globali.

4.1.2   Wieħed mill-aktar ostakli importanti għall-kummerċ hija r-rata artifiċjalment baxxa tar-Renminbi, jew yuan Ċiniż, li l-Gvern jikkunsidra li tiżgura li l-esportazzjonijiet Ċiniżi jkunu aktar kompetittivi. Dan hu ostaklu serju għall-kummerċ ħieles u ġust u għalhekk il-manuvri reċenti li qed jippruvaw itaffu s-sitwazzjoni huma approvati, iżda hemm bżonn ukoll li jkun hemm tibdil fit-tul u b’mod sostnut fil-politiki tar-rati ta’ skambju tal-Gvern Ċiniż.

4.1.3   Il-pakketti ta’ stimolu jgħinu t-tkabbir ekonomiku billi jżidu d-domanda iżda l-għan prinċipali tagħhom huwa li jgħinu n-negozji lokali. Wieħed mill-prodotti sekondarji ta’ dan jista’ jkun li jintrifdu s-setturi mhux kompetittivi. Ir-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni u l-għajnuna tal-istat ipoġġu lill-UE f’pożizzjoni b’saħħitha biex tikkoordina ħidma bil-għan li dan ma jseħħx u suq uniku li jiffunzjona kompletament jagħmilha impossibbli li jkun hemm protezzjoniżmu potenzjalment dannuż.

4.1.4   Lil hinn mill-UE, hemm bżonn li d-Doha Round jiġi konkluż b’suċċess, iżda dan jidher li huwa diffiċli. Sadanittant, l-UE qed tfassal netwerk ġdid ta’ relazzjonijiet u ftehimiet bilaterali kemm mal-pajjiżi żviluppati kif ukoll ma’ dawk li qed jiżviluppaw li ser jinfluwenzaw dejjem iżjed il-politiki tal-kummerċ kumplessivi.

4.1.5   Għanijiet oħra importanti tal-politika tal-UE huma: ir-reċiproċità f’dawn il-Ftehimiet Bilaterali ġodda tal-UE, inkluż fejn possibbli appoġġ lis-sigurtà fil-qasam tal-enerġija; li jiġi żgurat li r-regoli huma flessibbli u jistgħu jiġu adattati għal ċirkustanzi li ta’ sikwit jitbiddlu b’rata mgħaġġla; it-tneħħija tal-ostakli li mhumiex tariffi, fosthom l-ostakli “lil hinn mill-konfini”, it-trasparenza fix-xogħol u l-istandards tal-kwalità; skont ir-regoli tal-ILO; ftehimiet għall-kummerċ ħieles għall-prodotti u s-servizzi ambjentali (9).

4.1.6   Bis-saħħa tal-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, il-proċessi tal-UE għat-teħid tad-deċiżjonijiet qed jiġu riformati, inkluż it-twessigħ tal-proċedura tal-kodeċiżjoni għall-Parlament f’oqsma ta’ politika ewlenin, fosthom il-kummerċ. Huwa importanti li l-metodi ta’ dawn il-proċessi ġodda li jinvolvu lill-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jwasslu għal riżultati aktar rapidi u flessibbli li jtejbu l-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi b’mod effettiv u koerenti kemm għall-bżonnijiet strateġiċi ta’ livell għoli jew l-irqaqat li jinqalgħu ta’ kuljum fis-settur tal-kummerċ.

4.2   It-Tibdil fil-Klima

4.2.1   Attwalment, jeżisti kunsens fost l-Ewropej li t-tibdil fil-klima jitlob azzjoni immedjata. Waħda mill-konsegwenzi l-aktar drammatiċi tal-globalizzazzjoni hija l-interdipendenza li din trawwem. It-tibdil bla rażan fil-klima iqiegħed ħajjet il-ġenerazzjonijiet futuri fil-periklu u jxekkel il-globalizzazzjoni, li tikkawża żidiet fil-prezzijiet tar-riżorsi u diżastri ambjentali, b’mod partikolari għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għalhekk, it-tibdil fil-klima jirrappreżenta kwistjoni ekonomika li għandha dimensjoni kummerċjali sostanzjali.

4.2.2   L-UE qed taqdi rwol prominenti biex tfittex li tnaqqas it-tisħin dinji b’konformità mal-Protokoll ta’ Kjoto. Ir-riżultat tas-Summit ta’ Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima xekkel il-ħidma tal-Ewropa favur it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari mal-ekonomiji emerġenti li l-emissjonijiet tagħhom ser jaqbżu dawk tan-nazzjonijiet żviluppati sas-sena 2020. L-UE hija mħassba wkoll dwar il-fatt li huma l-ifqar fid-dinja li l-aktar ser ibatu minħabba l-fażi attwali tat-tibdil fil-klima li għalih l-UE għandha bżonn ta’ risposta ta’ politika prattika, komprensiva u realistika biex tevita r-riskju li l-ġenerazzjonijiet futuri jbatu konsegwenzi negattivi soċjali u ekonomiċi li setgħu jiġu evitati.

4.2.3   L-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-politiki tal-UE fil-qasam tal-kummerċ u l-iżvilupp twassal għal spejjeż u timponi restrizzjonijiet fuq għan li ma jistax jintlaħaq jekk ċentri kummerċjali ewlenin oħra ma jagħmlux l-istess (10). Il-ftehimiet ambjentali multilaterali jridu jimxu id f’id mal-ftehimiet fis-sistema tal-kummerċ internazzjonali b’mod li jappoġġjaw u mhux ifixklu lil xulxin. Għalhekk, huwa prudenti li l-UE tieħu rwol ta’ tmexxija meta hemm oħrajn li ma jridux, anzi ma jistgħux, jiġu mġiegħla jsegwuha? Pereżempju, iċ-Ċina tista’ tiġi mġiegħla tissostitwixxi l-approċċ li adottat favur it-tnaqqis fl-użu tal-karbonju – “il-konsumatur iħallas” – ma’ dak tal-UE “il-produttur iħallas”? (11) Jew tista’ titwaqqaf il-kampanja f’Wall Street bil-għan li, bis-saħħa ta’ Washington, tikseb rwol ta’ tmexxija f’suq li qed jespandi b’mod sostanzjali għall-kummerċ tal-karbonju?

4.2.4   Is-sigurtà tal-enerġija qiegħda fil-qalba tal-isfida li qed tiffaċċja l-UE fil-qasam tat-tibdil fil-klima. Filwaqt li huma l-Istati Membri individwali li huma l-ewwel li jirreaġixxu, hemm dimensjoni tal-UE reali u sostanzjali, b’mod partikolari f’kuntest ta’ kummerċ. Pereżempju permezz ta’: negozjar ta’ ftehimiet dwar provvista esterna (kif diġà qed isir fil-kuntest tal-ftehimiet dwar kummerċ bilaterali); bejgħ tal-għarfien espert u t-teknoloġija għat-titjib tal-infrastruttura bħall-“grilji intelliġenti” jew il-ġenerazzjoni l-ġdida tat-teknoloġiji għall-ġenerazzjoni tal-elettriku permezz tal-użu ta’ karburant mhux fossili; il-qsim mal-oħrajn tat-teknoloġiji ġodda li qed jiġu żviluppati biex jintlaħqu l-miri attwali ta’ “20 %” tal-UE fil-qasam tal-enerġija alternattiva; it-tiftix ta’ opportunitajiet biex l-għarfien espert jiġi esportat b’mod li jiġu żviluppati u użati inċentivi għat-tnaqqis tal-karbonju.

5.   Tweġiba

5.1   Nindirizzaw l-isfidi u naħtfu l-opportunitajiet

5.1.1   Biex jinħolqu opportunitajiet għall-kummerċ Ewropew, huwa importanti li nkunu onesti dwar l-isfidi li ambjent globali differenti jpoġġi quddiem l-UE, l-istituzzjonijiet tagħha u l-Istati Membri. Fil-fehma tal-KESE, ir-riformi istituzzjonali introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona jridu jiġu implimentati b’mod aktar kooperattiv u effettiv biex jirrispondu għall-isfidi li jiġu identifikati modi ġodda innovattivi li jsostnu l-kisbiet passati tal-UE u jinkisbu l-objettivi futuri tagħha (12). Biex intervent ikun effettiv jeħtieġ livell għoli ta’ għarfien modern, intuwitu u fehim.

5.1.2   Aktar ma d-dinja ssir interdipendenti u magħquda, aktar il-metodu ta’ ħsieb ta’ dawk responsabbli għat-tfassil tal-politika jrid ikun komuni għal kulħadd. It-twaħħid reċiproku tas-Suq Uniku Ewropew u tal-politika tal-kummerċ qatt ma kien importanti daqs kemm hu llum. U lanqas il-fatt li jiġi żgurat li l-konsultazzjoni meħtieġa fi ħdan l-UE, bejn l-istituzzjonijiet u mal-Istati Membri tagħha jsostnu u jappoġġjaw l-iżvilupp, il-ftehim u l-implimentazzjoni effettivi ta’ politika tal-kummerċ aktar flessibbli.

5.1.3   Minn perspettiva aktar umana, hemm bżonn niġġieldu kontra l-biża’ u l-insigurtà li ġejjin mit-tibdil fil-poter ekonomiku. Is-soċjetà ċivili organizzata għandha opportunità u dmir tgħin lin-nies, il-politiċi u l-ekonomiji huma u għaddejjin mit-tibdil. L-idea li nfittxu li nħaddnu politiki protezzjonisti fid-dawl tat-tibdil fis-setgħat dinjija tista’ titqabbel mat-tentattivi tar-Re Canute li jwaqqaf il-marea. Mod effettiv biex negħlbu l-biża’ u l-insigurtà huwa li ngħinu lill-individwi, il-kumpaniji u l-gvernijiet jadattaw għaċ-ċirkustanzi l-ġodda. Pereżempju, ir-rata baxxa tat-twelid u t-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-Ewropa jirrappreżentaw sfidi strutturali kbar li jridu jiġu indirizzati.

5.1.3.1   B’konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija EU2020, l-aktar politika importanti timmira lejn iż-żieda fir-rata tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema. Miżura ovvja hija li tiġi pprovduta kura tat-tfal għall-ġenituri kollha li jixtiquha. Fil-prattika, dan ifisser li aktar nisa jistgħu jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Flimkien ma’ dan, għandu jkun hemm ħlasijiet għal-leave parentali għolja biżżejjed u fuq perijodu twil. B’riżultat ta’ dan, ir-rata tat-twelid għandha tiżdied, wara li jonqos il-piż ekonomiku fuq il-ġenituri.

5.1.3.2   Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ politiki tal-immigrazzjoni biex jespandu l-provvista tax-xogħol b’mod raġonevoli, il-kumpaniji individwali li jesportaw barra l-UE jkollhom jiffaċċjaw problema serja: jillimitaw l-espansjoni tal-kumpaniji tagħhom jew imexxu l-operazzjonijiet x’imkien fejn il-provvista hija abbundanti? (13) Għal din ir-raġuni il-konsiderazzjoni ta’ risposta ta’ politika dwar l-immigrazzjoni li tkun komprensiva u inklużiva għall-isfida demografika tidher li tkun prudenti, ġustifikata u meħtieġa b’mod urġenti.

5.1.4   L-istrateġija l-ġdida 2020 tal-Kummissjoni hija l-ewwel tweġiba politika strateġika tal-UE għar-reċessjoni u t-tibdil fil-bilanċ tal-poter ekonomiku dinji. Is-suċċess tal-istrateġija jeħtieġ risposta kkoordinata Ewropea li tinkludi l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili (kwotazzjoni minn Barroso fil-komunikazzjoni dwar l-UE 2020). Biex tirreaġixi għat-tibdil fil-poter ekonomiku globali, l-UE trid isserraħ fuq is-sħubija bejn l-Istat s-soċjetà ċivili organizzata biex tikseb prestazzjoni ekonomika għolja u l-koeżjoni soċjali.

5.1.5   Iżda, l-inizjattiva ser ikollha tiffaċċja ħafna mill-istess diffikultajiet tal-Istrateġija ta’ Lisbona: il-prijoritajiet tagħha jistgħu jkunu diversi wisq; l-implimentazzjoni tista’ tkun problematika; l-istrumenti diretti għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni huma ftit wisq biex jinfluwenzaw il-progress; ir-responsabbiltà tintrefa’ fil-biċċa l-kbira tagħha mill-gvernijiet tal-Istati Membri, li issa għaddejjin ukoll minn pressjoni domestika finanzjarja, politika u soċjali li kulma jmur qed tiżdied (14).

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Pat Cox, li kien il-President tal-Parlament Ewropew, f’artiklu reċenti f’gazzetta “Europe must raise its game now not later” (L-Ewropa trid tkabbar l-isforzi tagħha issa u mhux aktar tard): ara http://www.irishtimes.com/newspaper/opinion/2010/0407/1224267827518.html.

(2)  Ara fost l-oħrajn: Il-kriżi finanzjarja u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija reali ĠU C 255, 22.9.2010, p. 10; Il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (opinjoni addizzjonali) ĠU C 228, 22.9.2009 p. 149; Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku, ĠU C 182/2009, 4.8.2009 p. 71; L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3.

(3)  L-istoriku Niall Ferguson fl-artiklu tiegħu fil-Financial Times (10.4.2010) dwar ir-riforma fit-tagħlim tal-istorja fit-tieni livell fir-Renju Unit.

(4)  Tbassir Ekonomiku Ewropew - Rebbiegħa 2010, European Economy, 2 – 2010.

(5)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: EU Performance in the global economy, (Il-prestazzjoni tal-UE fl-ekonomija dinjija) ara http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2008/october/tradoc_141196.pdf (aċċessat 4.2.2010).

(6)  “Falling Flat: More Evidence that America is Experiencing a Jobless Recovery” (Telf tal-impatt: aktar indikazzjonijiet li l-Amerika għaddejja minn irkupru bla impjiegi) The Economist, ara http://www.economist.com/world/united-states/displaystory.cfm?story_id=15473802 (6.2.2010).

(7)  Pereżempju l-Opinjoni tal-KESE Il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomik (ĠU C 228, 22.9.2009, p.149) tipproponi li “fil-kuntest tat-tendenzi demografiċi mistennija, hemm bżonn li l-ekonomija tiġi ristrutturata b’mod intelliġenti, billi l-impjegati jinżammu u jitħarrġu minflok ma jitkeċċew, sabiex ikun hemm biżżejjed ħaddiema kkwalifikati meta l-ekonomija tibda tirkupra. L-appoġġ għall-persuni qiegħda għandu jkun abbinat mal-akkwist tal-ħiliet u l-programmi ta’ taħriġ mill-ġdid.”

(8)  http://www.wto.org/english/news_e/sppl_e/sppl101_e.htm “Lamy warns on protectionism” (Lamy jwiddeb kontra l-protezzjoniżmu) aħbarjiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(9)  Attwalment, din il-kwistjoni mhix fuq din l-aġenda, iżda għandha tiġi kkunsidrata bis-serjetà diskussjoni dwar ir-regoli tal-proprjetà intellettwali.

(10)  Il-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE dan l-aħħar issuġġerixxa pereżempju li: “L-għadd dejjem jikber ta’ ċentri ta’ gravità rivali fost l-operaturi dinjija wassal għal skambju kumpless ħafna ta’ relazzjonijiet bilaterali u multilaterali (li jitolbu fost miżuri oħra) politiki favur livelli baxxi ta’ karbonju u tfaddil tal-enerġija u l-ħarsien tas-swieq miftuħa kontra l-protezzjoniżmu moħbi”. “A New Phase Ahead: Need for a Political and Economic Impetus”, p. 10. Fuljett disponibbli f’http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.group-1-statements&itemCode=9894.

(11)  Minn perspettiva ta’ loġika pura, il-pożizzjoni Ċiniża fil-fatt mhux faċli twarrabha għalkollox: għalfejn għandha taċċetta taxxa fuq il-produzzjoni ta’ oġġetti li mbagħad jiġu kkunsmati f’pajjiżi żviluppati fejn ma jkollhomx imposti fuqhom taxxa fuq il-konsum marbuta b’mod speċifiku mal-karbonju?

(12)  Eżempju tajjeb tal-innovazzjoni meħtieġa huwa t-twaqqif reċenti mill-President Barroso ta’ grupp ta’ Kummissarji bil-għan li jindirizzaw il-finanzjament għar-riċerka u l-iżvilupp, qasam li fih għadd ta’ Direttorati jkollhom rwol, baġits u responsabbiltajiet separati iżda potenzjalment dupplikati u/jew reċiproċi.

(13)  Fil-fatt, ħafna kumpaniji diġà għamlu l-għażla tagħhom u dawk li telqu mill-Ewropa qed igawdu wkoll mit-tariffi baxxi fuq ħafna prodotti importati fl-UE, fattur li jagħti lok għal suġġerimenti li l-proporzjonijiet tat-tip taxxa/sisa iridu jiġu bbilanċjati mill-ġdid.

(14)  Bħala waħda mill-iżgħar ekonomiji fl-Ewropa, l-aktar miftuħa u dipendenti mill-kummerċ, l-Irlanda tista’ tiġi kkunsidrata bħala laboratorju biex dan ir-rispons jiġi osservat minn perspettiva ta’ mikrokożmu, għaliex biex jappoġġja rilanċ ekonomiku xprunat mill-kummerċ, il-Gvern qed iħeġġeġ investiment fl-edukazzjoni terzjarja u lil hinn minnha biex imexxi ’l quddiem ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni; sistema kompetittiva ta’ riċerka fil-livell dinji li tittrasferixxi l-għarfien mill-iskejjel tar-riċerka għas-suq; kompetittività mtejba għall-kumpaniji li jagħmlu negozju internazzjonali mill-Irlanda; tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 b’20 %; appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li qed jindirizzaw l-effetti tat-tibdil fil-klima.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/57


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/11

Relatur: Lars NYBERG

Nhar it-18 ta' Marzu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-irkupru ekonomiku: is-sitwazzjoni attwali u l-inizjattivi prattiċi (opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-20 ta' Lulju 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (sessjoni tas-16 ta' Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’146 vot favur, 45 vot kontra u 16-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-kriżi ekonomika li ġabet magħha kienu ta' livell li ilna ma naraw bħalu minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-bidu tal-2010, meta kien hemm sinjali ta' rkupru minn din ir-reċessjoni, faqqgħet kriżi tad-dejn sovran, u did-darba ma kinitx kriżi dinjija iżda waħda Ewropea. Il-bżonn li l-baġits pubbliċi jinħelsu mill-piż tal-ispejjeż tas-sostenn tal-banek u l-ispejjeż ta' miżuri oħra diskrezzjonali, il-qgħad jiżdied u l-miżuri addizzjonali ta' awsterità f’ħafna pajjiżi, flimkien jirrappreżentaw theddida għat-tkabbir ekonomiku. Fid-dawl ta' dan, il-KESE jħoss li hemm bżonn li jinsabu miżuri politiċi mhux biss biex l-ekonomija tirkupra iżda anke biex l-Ewropa tinżamm milli terġa’ taqa’ f’reċessjoni oħra.

1.2   Fl-2009, l-UE kellha rata ta' tkabbir negattiva ta' -4,1 %. Qabel il-kriżi tad-dejn sovran li faqqgħet fir-rebbiegħa, il-previżjoni tat-tkabbir għall-2010 kienet ta' 0,7 %. Il-qgħad huwa mistenni li jilħaq madwar 10 % fl-2010, flimkien ma' tnaqqis ta' 2 % fil-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol. L-iżbilanċ baġitarju medju kien ta' 2,3 % fl-2008, fl-2009 żdied sa 6,8 % u huwa stmat li ser jiżdied sa 7,5 % fl-2010. Matul il-kriżi finanzjarja ħlasijiet pubbliċi enormi żammew is-suq finanzjarju likwidu. Qabel il-kriżi kien hemm espansjoni kbira fil-kreditu privat u minn dak iż-żmien ’l hawn minflok saru talbiet kbar għal self pubbliku. Fl-istess ħin, sabiex iżid id-domanda, is-settur privat għad irid jissellef. Is-sitwazzjoni ekonomika tvarja sew fost l-Istati Membri. L-ikbar żbilanċi jinsabu fil-Greċja, pajjiżi oħra fil-Mediterran, ir-Renju Unit u l-Irlanda filwaqt li l-ogħla rata ta' qgħad tinsab fl-Istati Baltiċi u Spanja. Fl-istess ħin, l-Istati Baltiċi rnexxielhom inaqqsu l-iżbilanċi pubbliċi kbar u t-tkabbir b’rati negattivi fi żmien qasir ħafna għalkemm kellhom jieħdu azzjoni ekonomika iebsa.

1.3   Strateġija ta' dħul

Il-fatt li kien hemm tibdil ekonomiku estensiv matul l-aħħar għexieren ta' snin ifisser li mhuwiex adatt li nitkellmu dwar strateġija tal-ħruġ. Jeħtieġ li jinstabu inizjattivi ekonomiċi u politiċi ġodda sabiex jiġi żviluppat pjan ta' direzzjoni għas-soċjetà emerġenti – jiġifieri strateġija ta' dħul.

1.4   Il-konsum privat huwa essenzjali għad-domanda globali

L-impatt restrittiv fuq l-ekonomija globali tal-Ewropa tal-proposti għat-tnaqqis tal-ikbar żbilanċi pubbliċi qed iwassal sabiex it-tkabbir b’sostenn awtonomu jiġi rimandat għall-futur. Sabiex il-proċess tat-tkabbir jibqa’ għaddej, il-KESE jisħaq fuq l-importanza tad-domanda globali, u jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tal-konsum privat. Sabiex is-sostenn ekonomiku jkollu effett sostanzjali fuq it-tkabbir għandu jimmira lejn il-gruppi bi dħul baxx. Billi dawn jikkunsmaw parti kbira mid-dħul tagħhom, ikun hemm ammonti iżgħar li jisparixxu bħala żieda fit-tfaddil. Jekk il-bidla mix-xogħol għall-kapital, fuq perijodu ta' bosta għexieren ta' snin, tista’ tinqaleb bil-kontra, ikollna sors ta' tkabbir futur. Naturalment, l-investimenti u l-esportazzjoni huma importanti iżda billi l-konsum privat jirrappreżenta 60 % tal-PDG, l-iżvilupp tiegħu huwa kruċjali għat-tkabbir, b’mod partikolari fil-qagħda attwali.

1.4.1   Nagħmlu stima tal-effetti tal-programmi tal-awsterità

Rata tal-qgħad għolja, forza tax-xogħol imnaqqsa, żidiet żgħar fil-pagi, tnaqqis fl-infiq pubbliku, żidiet fit-taxxi u l-programmi l-ġodda tal-awsterità ser inaqqsu l-opportunitajiet għat-tkabbir. F’din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel stima urġenti tal-effetti kontrattivi ta' dan kollu u tressaq proposti għall-kontromiżuri sabiex jinżamm ir-ritmu tat-tkabbir. It-tkabbir huwa neċessarju għall-għanijiet ekonomiċi l-oħra. L-għażla li ma jsir xejn u li nistennew sakemm l-effetti ta' restrizzjoni tal-programmi ta' awsterità joħorġu fid-dieher ma teżistix.

1.5   Inkejlu l-iżvilupp tal-kompetittività

Il-bilanċ tal-kont kurrenti ma ġiex ikkunsidrat b’mod adegwat fost l-għanijiet tal-politika ekonomika. L-iżbilanċi u l-bilanċi pożittivi fit-tul f’xi pajjiżi għamluha ċara li l-problemi tal-kriżi ekonomika tal-UE tar-rebbiegħa xi darba kienu ser jitfaċċaw. Il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu d-differenzi kbar fil-bilanċi tal-kontijiet kurrenti. L-għan ċentrali mbagħad isir il-kompetittività, skont l-ispiża reali għal kull unità ta' ħidma, li tkopri l-iżviluppi fil-pagi u l-produttività. Matul l-aħħar għaxar snin, il-kompetittività tal-Irlanda, il-Greċja, l-Italja, Spanja u l-Portugall naqset b’medja ta' madwar 10 %. Ma setgħux ma jinħolqux problemi baġitarji.

1.5.1   Il-bilanċ tal-kont kurrenti u l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

B’rati differenti ta' żvilupp ta' pagi u produttività fl-istess żona ta' munita, l-unika soluzzjoni hija li jinbidlu l-pagi relattivi jew li tiżdied il-produttività fil-pajjiżi li għadhom lura. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni timmonitorja l-bilanċi tal-kontijiet kurrenti, simili għall-monitoraġġ li jitwettaq għall-iżbilanċi pubbliċi u d-dejn. Dan jista’ jiġi fformalizzat billi jiġu emendati r-Regolamenti li jirregolaw il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-kontijiet kurrenti u r-raġunijiet li jispjegaw is-sitwazzjoni, l-iżviluppi fil-pagi u l-produttività, għandhom jiġu skrutinizzati f’kull wieħed mis-27 Stat Membru, iżda b’iktar setgħat biex jaġixxu fil-pajjiżi tal-euro. B’dan il-mod l-ekonomija reali tiddaħħal fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

1.5.2   Statistika dwar id-dejn privat u s-sehem barrani tad-dejn sovran

L-istatistika l-ġdida dwar id-dejn privat u s-sehem barrani tad-dejn sovran għandhom jiddaħħlu fid-diskussjonijiet dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

1.6   Regolazzjoni u prattiki ta' superviżjoni iktar effettivi fis-settur finanzjarju

Rigward is-settur finanzjarju, jista’ jkun effiċjenti li parti mill-kapital tal-bank jinżamm fis-settur pubbliku, sabiex ikun hemm livell ta' fehim dwar is-settur bankarju. L-esperjenzi finanzjarji tal-2010 juru li s-superviżjoni u r-regolazzjoni finanzjarja mhumiex biżżejjed. Hemm bżonn regolazzjoni u prattiki ta' superviżjoni iktar effettivi, b’mod partikolari wara l-imġiba tas-settur finanzjarju matul il-kriżi Griega, biex tinbidel din l-imġiba u biex jinstabu mezzi ġodda għall-finanzjament tad-dejn pubbliku.

1.7   Investiment pubbliku fl-infrastruttura u l-enerġija

L-investiment għandu jiffoka fuq il-protezzjoni ambjentali u l-miżuri kontra t-tibdil fil-klima. Il-KESE huwa favur it-taxxi bħala strument li jinfluwenza s-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet perikolużi. F’perijodu fejn hemm nuqqas ta' investimenti kummerċjali s-settur pubbliku għandu jidħol billi jinvesti fl-infrastruttura u l-enerġija. Skont il-Patt rivedut ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-investimenti mhux bilfors iridu jiddaħħlu fil-kalkoli tal-iżbilanċi eċċessivi.

1.8   Politiki attivi tas-suq tax-xogħol

Il-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom ikunu ċċentrati fuq it-tfittxija għal ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda. Hemm bżonn ukoll li jiżdied il-livell ġenerali tal-edukazzjoni. L-istrateġija tal-UE 2020 hija importanti biex jinkiseb dan il-għan. Politika ovvja biex tiżdied ir-rata tal-okkupazzjoni hija l-kura ta' kwalità għolja tat-tfal u l-leave tal-ġenituri li jkun twil biżżejjed u mħallas b’mod suffiċjenti.

1.9   Strateġija tad-dħul għall-politika tal-familja u l-iżvilupp tal-ħiliet

Meta l-bżonn tal-appoġġ għall-qgħad jonqos, l-istess riżorsi pubbliċi għandhom jiġu allokati minflok fil-politika tal-familja u l-iżvilupp tal-ħiliet. B’hekk politika tal-ħruġ tissarraf f’politika tad-dħul. L-arkitettura tas-sistemi soċjali għandha twassal għall-benesseri u l-impjiegi, għalkemm naturalment b’mezzi finanzjarji.

1.10   Sorsi ġodda tad-dħul – taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji u s-CO2

It-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji u d-diossidu tal-karbonju huma sorsi potenzjali ġodda ta' dħul pubbliku. Minbarra li jżidu d-dħul huma jnaqqsu rispettivament l-attitudni tal-perijodu l-qasir fis-suq finanzjarju u jtejbu l-ambjent tagħna.

1.11   Il-BEI għandu jitħalla joħroġ il-Eurobonds

Jekk il-BEI jitħalla joħroġ il-Eurobonds, jew aħjar l-UE-bonds li jkopru s-27 Stat Membru, jista’ jinħoloq kapital ġdid għas-settur pubbliku mingħajr id-dipendenza għalkollox fuq is-settur finanzjarju. Ir-riżorsi finanzjarji għandhom jinstabu iktar ’il fuq fil-katina (upstream), pereżempju fl-Istituzzjonijiet li jipprovdu Irtirar Okkupazzjonali (IORP), sabiex il-BEI jsir l-interfaċċja bejn dawn ir-riżorsi kapitali u l-investimenti tiegħu. Il-Eurobonds huma strumenti li jistgħu jintużaw ukoll għat-tfaddil privat fit-tul.

2.   Is-sitwazzjoni attwali  (1)

2.1   Il-kriżi finanzjarja tal-2008 u l-kriżi ekonomika li ġabet magħha kienu ta' livell li ilna ma naraw bħalu minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Fil-bidu tal-2010, meta kien hemm sinjali ta' rkupru minn din ir-reċessjoni, faqqgħet kriżi tad-dejn sovran, u did-darba ma kinitx kriżi dinjija iżda waħda Ewropea. Il-bżonn li l-baġits pubbliċi jinħelsu mill-piż tas-sostenn tal-banek u setturi oħra u l-ispejjeż ta' miżuri oħra diskrezzjonali, il-qgħad jiżdied u l-miżuri addizzjonali ta' awsterità f’ħafna pajjiżi, flimkien jirrappreżentaw theddida għat-tkabbir ekonomiku. Fid-dawl ta' dan, il-KESE jħoss li hemm bżonn li jkun hemm tiftix għal miżuri politiċi mhux biss biex l-ekonomija tirkupra iżda iktar u iktar biex l-Ewropa tinżamm milli terġa’ taqa’ f’reċessjoni oħra.

2.2   Tkabbir negattiv

2.2.1   Meta l-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku ġie deċiż f’Diċembru 2008, fl-2009 kien previst li jkun hemm tkabbir ekonomiku ta' madwar 0 %. Fil-fatt kien ta' -4,1 %. Il-pjan kien ibbażat fuq previżjoni ottimista żżejjed, iżda mingħajr stimuli fiskali s-sitwazzjoni kienet tkun agħar.

2.2.2   Il-livell ta' appoġġ ekonomiku mill-Istati Membri kien ogħla mill-1,2 % ippjanati għall-PDG. Għall-2009 u l-2010, jista’ jiżdied sa madwar 2,7 % tal-PDG. Il-ħtiġiet maħsuba fl-Istati Membri fil-fatt kienu ikbar mill-appoġġ ippjanat, iżda meta jitqies kif żviluppa t-tkabbir, l-azzjonijiet li ttieħdu kienu limitati wisq.

2.2.3   L-istimolu ekonomiku ma ġiex biss mill-baġits pubbliċi. Il-BĊE u banek ċentrali oħra naqqsu r-rati tal-interessi sa kważi 0 % u żiedu l-likwidità fis-sistema ekonomika sa livell li qatt ma rajna bħalu. Xi Stati Membri użaw ukoll somom enormi mill-fondi pubbliċi biex isalvaw xi wħud mill-banek. Madankollu, dawn l-azzjonijiet ma setgħux jipprevjenu t-tkabbir negattiv fl-2009, fatt li juri kemm hi serja l-kriżi finanzjarja u ekonomika.

2.2.4   Qabel il-kriżi tar-rebbiegħa tal-2010, it-tkabbir għall-2010 kien previst għal 0,7 %. Din ir-rata hija iktar baxxa minn dik tal-kompetituri dinjija tagħna. Fuq nota pożittiva, hemm żieda fl-indikaturi tal-fiduċja, hemm żieda fit-tkabbir f’partijiet oħra tad-dinja u l-kummerċ dinji reġa’ rritorna għal-livell ta' qabel. Mill-aspett negattiv, l-investimenti tal-intrapriżi kienu għadhom sejrin lura fir-raba’ kwart tal-2009, il-produzzjoni industrijali mhix qed turi titjib ċar, l-aħħar żieda fid-domanda kienet biss biex jissaħħu l-inventorji, ir-rata eċċessivament baxxa tal-utilizzazzjoni tal-kapaċità mhix qed tixpruna l-investiment, l-istat tas-settur bankarju mhux qed jagħti lok għal żieda fl-investiment, u barra minn dan, hemm it-taqlib fis-suq tal-bonds sovrani.

2.3   Kummerċ

Il-kummerċ dinji kkollassa fir-raba’ kwart tal-2008. Is-sena ta' qabel, dan kien żdied b’madwar 20 % iżda issa naqas bi 12 %. Dan it-tnaqqis baqa’ għaddej fix-xhur ta' wara. L-ikbar tnaqqis fi kwart wieħed, meta mqabbel mal-istess perijodu sena qabel, kien ta' madwar 30 %. Fir-raba’ kwart tal-2009, it-tendenza nqalbet b’żieda ta' 4 %. Iċ-ċifri għall-UE kienu kważi identiċi. It-tnaqqis kien kemxejn ikbar għall-kummerċ fl-UE mill-kummerċ bejn l-UE u pajjiżi oħrajn.

2.4   Is-suq tax-xogħol

2.4.1   L-effetti fuq il-qgħad għadhom mistennija jiżdiedu billi dawn ġeneralment joħorġu wara l-iżviluppi fl-ekonomija reali. Fl-2010, ir-rata tal-qgħad ser tkun madwar 10 % fl-UE, żieda ta' 3 % f’sena, b’differenzi kbar bejn l-Istati Membri.

2.4.2   Il-qgħad huwa biss effett wieħed, it-tnaqqis fil-parteċipazzjoni tas-suq tax-xogħol huwa ieħor. Din ir-rata kienet ta' madwar 2 % tal-forza tax-xogħol. Barra minn hekk, ħafna nies naqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom biex isalvaw l-impjiegi, bi tnaqqis korrispondenti ta' 1 % iktar fil-forza tax-xogħol. F’perijodu ta' rkupru, dan l-effett x’aktarx huwa l-ewwel li jiġi lura għan-normal. It-tkabbir irid ikun kbir biżżejjed. Jekk le, dan ikun tkabbir mingħajr impjiegi (“jobless growth”).

2.5   Żbilanċi pubbliċi

Fl-2008, l-iżbilanċ baġitarju medju kien ta' 2,3 %, fl-2009 żdied sa 6,8 % u huwa stmat li fl-2010 ser jiżdied sa 7,5 %. Id-deterjorament ma jiddependix biss fuq miżuri attivi tal-appoġġ, iżda wkoll fuq żieda fl-infiq u tnaqqis fid-dħul fiskali permezz ta' stabilizzaturi awtomatiċi. Skont l-OECD, dawn il-miżuri ta' protezzjoni soċjali salvaw iktar impjiegi fl-Ewropa minn ekonomiji oħrajn.

2.6   Is-suq finanzjarju

2.6.1   Anke fl-2010, is-sitwazzjoni tas-suq finanzjarju mhijiex ċara. M’hemm l-ebda evidenza li turi jekk il-livell baxx ta' investiment li baqa’ baxx hux minħabba l-fatt li għad hemm nuqqas ta' likwidità, istituzzjonijiet tal-kreditu li qed jevitaw ir-riskju, jew in-nuqqas ta' domanda mis-settur industrijali.

2.6.2   Ir-ritorn tas-suq tal-kreditu għal transazzjonijiet iżjed fit-tul minflok transazzjonijiet ta' perijodi qosra wisq huwa parti essenzjali ta' rkupru ekonomiku sostenibbli. Il-KESE jidħol iktar fid-dettall ta' dan il-punt f’opinjoni dwar taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (2).

2.6.3   Mill-2006 ’l quddiem, sa meta faqqgħet il-kriżi finanzjarja, kien hemm żieda kbira fid-domanda għall-kreditu privat (3). Id-dejn privat irdoppja fiż-żona tal-euro, u l-istess fl-Istati Uniti. L-infiq privat kien għoli u f’xi pajjiżi wassal għal żbilanci kbar fil-kontijiet kurrenti. Fl-2009, din l-espansjoni tal-kreditu sfumat fix-xejn u ġiet sostitwita parzjalment mid-dejn pubbliku. L-iżbilanċi pubbliċi kbar ser jippersistu fis-snin li ġejjin. Fl-istess ħin, hemm bżonn li tissaħħaħ id-domanda fis-settur privat bħala xprun għall-irkupru. Fiż-żewġ każijiet jinħtieġ il-kreditu.

2.6.4   It-telf kbir fil-valur tal-istokkijiet laqat il-fondi tal-pensjonijiet, b’rata stmata ta' 24 % f’termini reali għall-2009 (4). Il-livelli tad-dħul tal-pensjonanti huma fir-riskju u dan jolqot il-potenzjal li tiżdied id-domanda privata. Id-drittijiet ta' fondi mill-fondi tal-pensjonijiet ikunu fuq perijodu ħafna fit-tul, filwaqt li t-tqegħid tal-holdings tal-fondi tal-pensjonijiet isir f’perijodu ħafna iqsar. Għalhekk, hemm bżonn strumenti finanzjarji iktar fit-tul fis-suq finanzjarju kemm għall-fondi tal-pensjonijiet kif ukoll għal istituzzjonijiet oħra tal-pensjonijiet, bħall-kumpaniji tal-assigurazzjoni.

2.7   Speċifiċitajiet tal-pajjiżi

2.7.1   Fost l-Istati Membri l-kbar, l-ikbar tnaqqis fil-PDG ġie rreġistrat fil-Ġermanja u r-Renju Unit. Fost l-iżgħar Stati Membri, it-tliet Stati Baltiċi kellhom l-ikbar tnaqqis fl-2009. Dan ġara wara għadd ta' snin ta' tkabbir għoli ħafna. Tul dawn is-snin, iż-żidiet fil-pagi kienu għoljin ħafna wkoll, ’il fuq miż-żidiet fil-produttività, iżda l-Istati Baltiċi rreaġixxew malajr ħafna għall-kriżi bi tnaqqis fil-pagi, b’mod partikolari l-Litwanja. L-ikbar żidiet fil-pagi matul l-2009 kienu rreġistrati fil-Greċja, u ma kien hemm l-ebda żieda korrispondenti fil-produttività. L-eċċezzjoni fl-2009 kienet il-Polonja li kellha rata ta' tkabbir pożittiv ta' 1,7 %. Xi wħud mir-raġunijiet kienu ż-żidiet fl-investiment pubbliku u l-konsum privat u prestazzjoni pjuttost tajba fl-impjiegi.

2.7.2   L-ikbar tnaqqis fir-rata tal-impjiegi matul l-2009 kien ukoll fl-Istati Baltiċi, u warajhom fil-Bulgarija u fi Spanja. L-ebda Stat Membru ma żamm ir-rata ta' okkupazzjoni iżda fil-Ġermanja din naqset biss b’0,4 %. Ir-rata tal-qgħad fl-2009 kienet l-ogħla fil-Latvja (21,7 %), u warajha l-Litwanja, l-Estonja, Spanja, is-Slovakkja u l-Irlanda.

2.7.3   Matul it-taqlib tad-dejn sovran fl-2010, ħaraġ li l-iżbilanċ pubbliku fil-Greċja kien ta' madwar 13 % tal-PDG u dan wassal għal attakki spekulattivi fuq l-euro. Żbilanċ simili ġie żvelat fir-Renju Unit. L-iżbilanċ fi Spanja żdied għal livell mhux sostenibbli prattikament minn jum għal ieħor. Żbilanci kbar u livell għoli ta' dejn pubbliku ġew indirizzati b’miżuri ta' awsterità f’dawn il-pajjiżi u anke fil-Portugall, l-Italja u l-Irlanda, fost oħrajn.

3.   Inizjattivi prattiċi għal rilanċ ekonomiku

3.1   Strateġija tad-dħul – mhux tal-ħruġ

3.1.1   Saru ħafna diskussjonijiet dwar strateġija tal-ħruġ, jiġifieri li jitneħħa kull appoġġ pubbliku għall-ekonomija. Ir-raġunijiet legali huma r-regola ta' inqas minn 3 % għall-iżbilanċi pubbliċi u l-limitu ta' 60 % tal-PDG għad-dejn sovran. Kif qalet sew il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Ewropa 2020 “il-miżuri ta' appoġġ għandhom jitneħħew ladarba l-irkupru ekonomiku jkun jista’ jitqies li jkun sostenibbli” (5). Bl-inċertezzi kollha għall-ekonomiji tagħna, ser ikun diffiċli ferm biex jiġi deċiż meta se jkunu kapaċi li jsostnu lilhom infushom. L-impatt restrittiv fuq l-ekonomija globali Ewropea mill-proposti għat-tnaqqis tal-ikbar żbilanċi pubbliċi qed iwassal sabiex it-tkabbir b’sostenn awtonomu jiġi rimandat għall-futur. Barra minn hekk, strateġija ta' ħruġ f’dan is-sens tfisser li wara li jitwaqqfu dawn il-miżuri ta' appoġġ jista’ jkun li mmorru lura għas-sitwazzjoni ta' qabel il-kriżi. Dan ma jistax ikun.

3.1.2   L-ewwel nett, hemm ħafna bidliet li qed jiġu implimentati, jew li huma ppjanati, għas-settur finanzjarju. Wieħed jittama li s-settur finanzjarju ser isir iktar trasparenti u reżistenti għall-kriżijiet. It-tieni, is-sitwazzjoni f’partijiet oħra tal-ekonomija għandha tinbidel ukoll. Inkella, hemm riskju ċert li l-problemi li għaddejna minnhom f’dawn l-aħħar snin jerġgħu jitfaċċjaw.

3.1.3   Aħna u nqisu l-bidliet ekonomiċi tul l-aħħar għexieren ta' snin għandna nfittxu inizjattivi ekonomiċi u politiċi ġodda li jnaqqsu r-riskji fl-ekonomija. Din ma tistax tkun proposta għal strateġija tal-ħruġ għax meta jiġi stabbilit pjan ta' direzzjoni għal strateġija tal-ħruġ, inkunu qed niddeċiedu wkoll fuq soċjetà emerġenti, jiġifieri niddeċiedu fuq strateġija tad-dħul.

3.2   Domanda globali

3.2.1   Fit-teorija, hemm żewġ mezzi kif jista’ jinkiseb it-tkabbir ekonomiku – produzzjoni bl-istess teknika jew li teknika tittejjeb biex jinħareġ iktar mir-riżorsi produttivi eżistenti. Fejn tingħata l-enfasi jiddependi mill-qagħda ekonomika. F’perijodu ta' espansjoni kbira, jintużaw ir-riżorsi kollha u l-unika mezz biex jinkiseb iktar tkabbir huwa li jsir investiment f’metodi ta' produzzjoni innovattivi. F’reċessjoni, bħal dik li bdiet fl-2008, ikun hemm ħafna riżorsi moħlija li għandhom jintużaw. Għalhekk, il-politika għandha tkun li tiżdied id-domanda. Sfortunatament, id-domanda globali m’għadhiex rikonoxxuta bħala l-mutur reali tat-tkabbir ekonomiku.

3.2.2   Sabiex il-miżuri jżidu d-domanda m’għandhomx biss ikollhom effett dirett fuq il-konsum u l-investiment, iżda jżidu wkoll il-fiduċja tal-konsumatur u l-investitur. Hekk kif l-istabilizzaturi awtomatiċi jaħdmu f’perijodu ta' attività mnaqqsa, iż-żieda fil-fiduċja tista’ taħdem f’perijodu ta' iktar attività. Il-fiduċja tista’ żżid l-effett tal-miżuri pubbliċi b’tali mod li l-perijodu pożittiv ikun jista’ jsostni lilu nnifsu. Sabiex dan iseħħ, mhuwiex biss l-ammont ta' appoġġ li huwa importanti, iżda wkoll il-gruppi identifikati. Il-gruppi bi dħul baxx jikkunsmaw parti ikbar mid-dħul tagħhom mill-gruppi bi dħul ogħla. Għalhekk, iktar ma jiġi allokat appoġġ li jkun immirat lejn il-grupp tal-ewwel, inqas ma jisparixxu ammonti minħabba żieda fit-tfaddil.

3.2.3   Għall-pjan oriġinali tal-irkupru ekonomiku, l-effett jista’ jkun inqas minn dak mistenni billi ħafna mill-miżuri tal-Istati Membri kienu diġà ppjanati u ma taw l-ebda spinta lit-tkabbir. Fir-rebbiegħa tal-2010, il-Kummissjoni għamlet sew li tenfasizza li l-miżuri biex jiżdied it-tkabbir għandhom ikunu effettivi soċjalment. It-tkabbir previst għall-2010 huwa inqas mill-1,5 % li ħafna ekonomisti jqisu bħala r-rata ta' tkabbir potenzjali għall-UE. Iżda anke b’1,5 %, il-qgħad u l-iżbilanċi baġitarji mhux ser jitnaqqsu biżżejjed.

3.2.4   Il-KESE jixtieq jisħaq fuq l-importanza tad-domanda globali biex jiġi xprunat il-proċess tat-tkabbir, u jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tal-konsum privat.

3.2.5   Żieda fl-investiment hija importanti. Skont il-Patt rivedut ta' Stabbiltà u Tkabbir, huwa possibbli li l-aġġustament tal-iżbilanċ baġitarju eċċessiv jiġi pospost jekk l-infiq żejjed ikun għall-investiment. Iżda l-investiment mhuwiex dejjem l-uniku strument għal tkabbir ogħla.

3.2.6   U lanqas iż-żieda fl-esportazzjoni m’hija biżżejjed. Il-kummerċ fl-UE jsir l-iktar bejn l-Istati Membri. Il-kummerċ estern – l-esportazzjoni lil partijiet oħra tal-ekonomija globali – għal żmien twil ilu madwar 10 % tal-PDG tal-UE. Il-kummerċ tal-UE huwa madwar terz tal-kummerċ dinji. Iżda jekk jitħalla barra l-kummerċ fl-UE stess, sehem l-UE jitnaqqas għal 16 %. Il-kummerċ huwa importanti u huwa anke indikatur tal-kompetittività dinjija. Hemm sinjali ta' żidiet fl-esportazzjoni lejn il-bqija tad-dinja. Naturalment dan huwa sinjal tajjeb iżda ma tantx huwa ta' serħan il-moħħ f’sitwazzjoni ta' investiment insuffiċjenti u suq tax-xogħol li qed jiddeterjora.

3.2.7   Skont l-ILO (6), hemm bidla dinjija mix-xogħol għall-kapital li ilha għaddejja iktar minn għaxar snin. Bejn l-1999 u l-2007 s-sehem tal-profitti fl-UE 27 tela’ minn 37 sa 39 % tal-PDG. Dan naqas b’mod drastiku matul it-tieni nofs tal-2008 għal 36 % iżda matul l-2009 żdied għal 37 % (7). Dawn huma sinjali ta' żidiet fl-inugwaljanzi tat-tqassim tad-dħul.

3.2.8   L-ikbar parti tal-PDG hija l-konsum privat. Dan is-sehem ivarja ħafna skont x’isir mill-entitatjiet pubbliċi jew privati skont is-sistema politika tal-pajjiż. Madankollu, bidla f’dan is-sehem tista’ tkun ukoll indikatur ta' bidla fit-tqassim tad-dħul. Fl-2008, il-konsum kien naqas għal 58 % tal-PDG tal-UE minn 60 % fl-2005 u 61 % fl-2000. Għalkemm din kienet bidla żgħira fuq perijodu twil, din tindika li hemm lok għal żieda fil-konsum privat bħala mezz biex tissaħħaħ id-domanda globali (8), li huwa importanti b’mod partikolari fis-sitwazzjoni ekonomika attwali.

3.2.9   Iżda fl-2010, ir-rati għoljin tal-qgħad u t-tnaqqis fir-rata tal-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol, flimkien ma' żidiet baxxi ħafna, ma jindikaw l-ebda żieda fil-konsum, anzi l-oppost. Għalhekk, tnaqqis fil-miżuri tal-appoġġ pubbliku bħalissa mhuwiex politika adatta. B’din il-konklużjoni, il-qagħda attwali (fl-2010), bit-tnaqqis kbir fl-infiq pubbliku u żidiet fid-dħul fiskali, hija waħda problematika sew mil-lat tal-politika ekonomika. Dan it-tnaqqis inevitabbli fid-domanda globali mil-baġits pubbliċi huwa ċertament proċikliku fis-sens li ser inaqqas il-possibbiltajiet għat-tkabbir. L-impatt tiegħu li jnaqqas l-ewwel nett is-salarji tal-impjegati tas-settur pubbliku ser jinfirex fl-ekonomija inġenerali bħala tnaqqis fid-domanda. It-tkabbir mhux ser jitħalla jilħaq ir-rata potenzjali tiegħu.

3.2.9.1   Huwa fl-ikbar interess tal-UE li jkun hemm stimi tal-effetti potenzjalment restrittivi ta' dan it-tnaqqis ġdid fil-baġits pubbliċi. Dawn il-miżuri ttieħdu b’mod drastiku. Għandu jkun hemm interess simili għall-UE biex dawk il-pajjiżi li mhumiex f’din il-qagħda estremament diffiċli jieħdu kontromiżuri, jiġifieri li jżidu l-livell tad-domanda globali. Il-Kummissjoni għandha tagħmel stima tal-punt li għandu jilħaq dan il-livell b’mod urġenti, u mbagħad għandha tressaq proposti adatti. Il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel dan fil-previżjoni ekonomika f’Novembru 2010. Dan huwa tard wisq. It-tkabbir fl-ewwel tliet xhur tal-2010 kien qrib il-previżjoni ta' 0,7 % – iżda dak kien qabel il-programmi ta' awsterità. L-għażla li ma jsir xejn u nistennew sakemm l-effetti ta' restrizzjoni tal-programmi ta' awsterità joħorġu fid-dieher ma teżistix.

3.2.9.2   Il-KESE jemmen li l-qagħda ekonomika attwali teħtieġ diskussjonijiet mill-ġdid. Il-limitu ta' 3 % għall-iżbilanċi għandu jinżamm iżda għandu jiġi abbinat ma' diskussjoni dwar id-differenzi kbar fl-iżbilanċi billi xi pajjiżi bi zbilanċi kbar ħafna jridu jikkonsolidaw il-baġits tagħhom b’mod definittiv. Il-ħtiġiet għal pajjiżi oħra li huma fil-livell (jew kemxejn ’il fuq) tal-limitu ta' 3 % għandhom ikunu inqas iebsin. Fejn ikun għad hemm possibbiltà li l-iżbilanzi jiġu ffinanzjati b’rata ta' interess relattivament baxxa, għandna interess li nżommu lura temporanjament minn miżuri baġitarji li jkunu restrittivi wisq. Daqqa t’għajn mill-ġdid lejn il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir mill-2005 turi li din fil-fatt tikkonforma ħafna mal-bidliet li saru dak iż-żmien, b’mod partikolari fir-rigward tal-investimenti pubbliċi u l-perijodi ta' pressjoni mir-reċessjoni.

3.3   Il-bilanċ tal-kont kurrenti reġa’ fuq l-aġenda politika

3.3.1   L-istabbiltà tal-prezzijiet, it-tkabbir ekonomiku u l-livell massimu tal-impjiegi ilhom żmien twil l-objettivi predominanti tal-politika ekonomika, fit-tfittxija għall-prosperità u l-benesseri. Il-bilanċ tal-baġit u d-dejn pubbliku huma miri intermedji biex jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet veri. Iżda hemm żewġ għanijiet li ilhom żmien twil ma jiġu kkunsidrati. L-ewwel wieħed huwa d-distribuzzjoni ġusta tad-dħul. L-għan l-ieħor huwa l-bilanċ tal-kont kurrenti. L-importanza ta' dan l-intervent tnaqqset maż-żmien. Iżda dan kien żball. F’suq uniku, b’munita unika, dan l-għan huwa wieħed fundamentali.

3.3.2   Ħarsa lejn il-bilanċ tal-kont kurrenti, jiġifieri l-bilanċ tal-kummerċ ma' pajjiżi oħrajn, turina li dak li kien se jiġri fiż-żona tal-euro kien ċar immens. Bħalissa u tul l-aħħar snin, żviluppa żbilanċ kbir fil-kont kurrenti tal-Greċja. Il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja għamlu żmien twil b’bilanċi pożittivi. Min-naħa l-oħra, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għandhom żbilanċi, għalkemm l-ikbar żbilanċi qed jidhru fil-Bulgarija.

3.3.3   Fil-perijodu l-qasir anke żbilanċi jew bilanċi pożittivi kbar fil-kontijiet kurrenti mhumiex problema. Il-problemi jinħolqu meta jippersistu tul ħafna snin jew jekk il-kapital importat ma jiġix investit sew, li jfisser li ż-żidiet potenzjali fil-produttività ma jitwettqux. Fiż-żona tal-euro, il-Greċja, il-Portugall, Spanja, l-Italja u l-Irlanda kellhom żbilanċi pjuttost kbar prattikament minn mindu daħlet l-euro. Barra ż-żona tal-euro, l-Istati Baltiċi, flimkien mal-Bulgarija kellhom żbilanċi kbar immens. B’hekk, żbilanċi kbar jistgħu jinbidlu biss bis-saħħa ta' politika ekonomika iebsa ħafna, bħalma ġara fl-2009 fl-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja.

3.3.4   Billi nnota l-livell tad-differenzi bejn l-Istati Membri, il-KESE jixtieq jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu dawn id-diverġenzi. Dan iwassalna biex nidentifikaw il-kompetittività bħala l-għan ċentrali. Il-kompetittività titkejjel skont l-ispiża reali għal kull unità ta' ħidma, li tirrappreżenta l-effett konġunt tal-iżvilupp tal-pagi u l-produttività. Fiż-żona tal-euro, il-Ġermanja u l-Awstrija b’mod partikolari żiedu l-kompetittività tagħhom permezz ta' spiża iktar baxxa għal kull unità ta' ħidma. Min-naħa l-oħra, mill-2008 ’l hawn, il-pagi fil-Ġermanja ilhom jogħlew b’rata iktar mgħaġġla mill-produttività u dan wassal għal sitwazzjoni inqas kompetittiva. Matul l-aħħar għaxar snin, il-kompetittività tal-Irlanda, il-Greċja, l-Italja, Spanja u l-Portugall naqset b’medja ta' madwar 10 % (9). Meta l-kompetittività tkompli sejra lura għal perijodu twil dan jista’ jwassal għal problemi baġitarji. Dan l-effett kien ċar fl-2010. Ir-raġuni fundamentali, li tista’ tinsab fil-bidliet tal-kompetittività, ma ġietx innotata biżżejjed.

3.3.5   Xi bidliet fir-rati tal-kambju m’għadhomx jagħmlu parti mill-istrumenti taż-żona tal-euro, il-bidliet fil-kompetittività relattiva, b’livell ogħla ta' prezzijiet meta mqabbel ma' pajjiżi oħrajn, għandhom jinsabu f’“rati tal-kambju reali”. Bi żviluppi differenti għall-pagi u l-produttività fl-istess żona ta' munita, l-unika soluzzjoni hija li jinbidlu l-pagi relattivi bejn il-pajjiżi jew li bis-saħħa tal-investiment tiżdied il-produttività fil-pajjiżi li għadhom lura. Tkun ħaġa assurda li pajjiżi bi żvilupp tajjeb tal-produttività jintalbu jieqfu.

3.3.6   L-esperjenzi mill-kriżi tar-rebbiegħa tal-2010 juru li l-Eurostat għandu jingħata r-responsabbiltajiet tal-awditjar fir-rigward tal-uffiċċji tal-istatistika nazzjonali. L-istatistika preċiża ser tkun iktar importanti jekk l-istatistika dwar l-iżviluppi fil-bilanċi tal-kontijiet kurrenti, il-pagi u l-produttività se tkun il-bażi tad-diskussjonijiet politiċi ġodda fil-livell Ewropew.

3.3.7   Il-KESE jipproponi li l-miri għall-bilanċ tal-baġit u d-dejn pubbliku jiġu kkomplementati bil-bilanċi tal-kontijiet kurrenti. Iżda huwa impossibbli li tintuża ċifra unika f’dan il-każ. Il-bilanċi pożittivi fil-kontijiet kurrenti ta' xi pajjiżi dejjem jikkorrispondu ma' bilanċi negattivi f’pajjiżi oħra. Il-problema tinħoloq meta d-differenza tkun kbira wisq jew ta' malajr wisq jew meta l-kapital importat ma jintużax għal investimenti produttivi.

3.3.8   Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni timmonitorja l-bilanċi tal-kontijiet kurrenti, simili għall-monitoraġġ li jitwettaq għall-iżbilanċi pubbliċi u d-dejn. Din l-idea issa tressqet ukoll mill-Kummissjoni fil-Linji Gwida Ekonomiċi u f’dokument dwar it-tisħiħ tal-irkupru ekonomiku. Dawn il-kwistjonijiet issa qed jiġu diskussi wkoll mit-Task Force għall-Governanza Ekonomika, ippresedut mill-President tal-Kunsill Ewropew van Rompuy.

3.3.9   Il-KESE jixtieq isaħħaħ il-karattru ta' dawn il-proposti. Il-mira ġdida tal-kont kurrenti għandha tiġi ttrattata l-istess bħaż-żewġ miri eżistenti fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-kontijiet kurrenti u r-raġunijiet li jispjegaw l-iżviluppi fil-pagi u l-produttività, għandhom jiġu skrutinizzati f’kull wieħed mis-27 Stat Membru. Is-setgħat biex tittieħed azzjoni kontra dawk il-pajjiżi bi żviluppi negattivi, kif isir bl-iżbilanċi pubbliċi u d-dejn, għandhom jissaħħu fil-każ tal-pajjiżi tal-euro. L-azzjonijiet Ewropej għandhom jikkonċernaw id-direzzjoni tal-bidliet ta' politika u l-implimentazzjoni tagħhom fil-prattika. Din ser tibqa’ kompetenza nazzjonali b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Sempliċiment bl-emendar tar-Regolamenti li jirregolaw il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-ekonomija reali jew, fi kliem ieħor, l-aspetti makroekonomiċi jistgħu jiddaħħlu fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

3.3.10   Il-kriżi wriet li anke aspetti oħra tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir għandhom jiġu żviluppati iktar. L-istatistika l-ġdida dwar id-dejn privat u s-sehem barrani tad-dejn sovran għandha tiġi ppubblikata flimkien mal-istatistika ordinarja meħtieġa mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Dawn iċ-ċifri l-ġodda jistgħu jservu bħala sistemi ta' twissija bikrija u bħala pressjoni fuq il-pajjiżi b’sitwazzjoni ekonomika problematika.

3.4   Oqsma prinċipali oħra għal ekonomija Ewropea ġdida

3.4.1   Appoġġ finanzjarju pubbliku, regolazzjoni finanzjarja

3.4.1.1   Sabiex jiġi evitat żvilupp diżastruż għal setturi sħaħ tal-ekonomija, l-iktar fl-industriji li jipproduċu l-karozzi, ingħata appoġġ pubbliku konsiderevoli. Il-politika Ewropea “normali” tal-għajnuna statali ma ntużatx biex twaqqaf appoġġ ta' dan it-tip fis-sitwazzjoni attwali.

3.4.1.2   L-iktar appoġġ spettakolari ngħata lis-settur finanzjarju. F’xi pajjiżi Ewropej, kif ukoll l-Istati Uniti, xi banek ġew parzjalment nazzjonalizzati. Din il-politika żgur li terġa’ tinqaleb imma tista’ tieħu ż-żmien. Anke fil-perijodu fit-tul, tista’ tkun parti effiċjenti ta' politika finanzjarja nazzjonali li jinżamm xi kapital bankarju sabiex ikun hemm fehim dwar is-settur bankarju.

3.4.1.3   Biċċiet mis-settur finanzjarju, li rċevew appoġġ mingħajr preċedent mill-gvernijiet, sussegwentement ħadu sehem f’attakki spekulattivi fuq is-suq tal-ishma sovrana fiż-żona tal-euro matul il-kriżi Griega. Is-suq finanzjarju pprova jaħtaf is-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet mill-politiċi. Wara l-iżvilupp ta' kriżi gravi immens, il-politiċi reġgħu kisbu setgħathom. Il-politiċi jistgħu jiġu kkritikati talli naqsu milli jieħdu azzjoni sakemm kien hemm kriżi gravi, kemm fil-kriżi finanzjarja kif ukoll fil-kriżi tal-ishma sovrani. Dan juri li r-regolazzjoni u s-superviżjoni finanzjarji mhumiex biżżejjed. Hemm bżonn regolazzjoni u prattiki ta' superviżjoni iktar effettivi biex tinbidel l-imġiba tal-istituzzjonijiet finanzjarji u biex jinstabu mezzi ġodda għall-finanzjament tad-dejn pubbliku.

3.4.2   Il-proċess biex l-ekonomija ssir iktar ekoloġika

Fil-perijodu fit-tul, l-investimenti jridu jkunu konċentrati fuq il-protezzjoni ambjentali u l-miżuri kontra t-tibdil fil-klima. Il-bidla fil-kompożizzjoni tal-investimenti trid tibda minn issa. Skont il-Kummissjoni jidher li hemm tendenza iktar qawwija lejn bidla fost il-kompetituri internazzjonali tagħna. Il-bidla hija kruċjali, mhux biss għal raġunijiet ambjentali, iżda wkoll għall-kompetittività globali Ewropea. Jistgħu jinħolqu impjiegi ġodda biex jissostitwixxu dawk li jisparixxu. B’dan il-mod, is-sostenibbiltà ekonomika tista’ tingħaqad mas-sostenibbiltà ambjentali u soċjali. L-istess bħall-Kummissjoni fil-proposta għal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika, il-KESE huwa favur it-taxxi bħala strument biex is-suq jiġi influwenzat inaqqas l-emissjonijiet perikolużi.

3.4.3   Infrastruttura u enerġija

F’perijodu ta' nuqqas ta' investimenti kummerċjali s-settur pubbliku għandu jidħol b’investimenti pubbliċi. Dan huwa meħtieġ kemm bħala stimolu għat-tkabbir kif ukoll minħabba l-bżonn kbir għall-investimenti fl-infrastruttura u l-enerġija. Il-fatt li s-settur bankarju m’għadux irid jieħu r-riskju li jsellef lill-intrapriżi hija problema partikolari għall-SMEs. Minkejja l-problemi attwali tal-ishma tal-gvern għad hemm rata ta' interessi bonus għall-ishma tal-gvern fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, u dan ifisser vantaġġ kbir għall-investimenti pubbliċi. Skont il-Patt rivedut ta' Stabbiltà u Tkabbir, l-investimenti mhux bilfors iridu jiddaħħlu fil-kalkoli tal-iżbilanċi eċċessivi.

3.4.4   Politiki attivi tas-suq tax-xogħol

Il-politiki tas-suq tax-xogħol għandhom ikunu attivi u mhux biss ristretti għall-appoġġ ekonomiku għall-persuni qiegħda. Intużaw bosta skemi differenti biex jingħataw ħiliet ġodda lill-persuni li għadhom jaħdmu u lil dawk qiegħda. L-għan tal-“edukazzjoni għal kulħadd” fil-programm Spanjol-Belġjan-Ungeriż huwa wieħed promettenti. Politika inklużiva ma tfissirx biss li n-nies jistgħu jsibu impjieg. Għandha tagħmilha wkoll iktar faċli għalihom biex jieħdu sehem iktar attiv fis-soċjetà.

3.4.4.1   Iżda li jiġi stabbilit objettiv għal żieda fir-rata tal-impjieg, bħal fl-UE 2020, qatt m’huwa biżżejjed. Biex tiżdied ir-rata tal-impjieg, iridu jinħolqu xi politiki fundamentali.

Fosthom insibu politiki dwar il-ħiliet. It-tagħlim tul il-ħajja huwa essenzjali. Problema ikbar hija biex jinstab min irid iħallas. Is-soċjetà, min iħaddem jew l-impjegati? B’xi mod, it-tlieta li huma għandhom ikunu involuti fil-finanzjament.

Il-qofol huwa l-istandard ġenerali tal-edukazzjoni. L-Ewropa trid tgħolli l-livelli ġenerali tal-għarfien.

Politika ovvja biex tiżdied ir-rata tal-impjieg hija l-kura tat-tfal ta' kwalità għolja u irħisa, flimkien ma' leave tal-ġenituri li jkun twil biżżejjed u mħallas b’mod suffiċjenti biex ikun ta' inċentiv li wieħed ikollu t-tfal.

Jeżistu bosta ostakoli li jxekklu n-nies milli jkunu jistgħu japplikaw għal impjieg. Kull żvantaġġ jista’ jeħtieġ il-politika proprja fil-każ tal-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.

3.4.5   Politiki Soċjali

3.4.5.1   F’rapport (10) dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali, il-Kummissjoni tagħraf li s-sistemi tas-sigurtà soċjali qdew rwol essenzjali biex jittaffa l-impatt soċjali u ekonomiku tal-kriżi. L-infiq soċjali matul il-kriżi jidher li żdied minn medja ta' 28 sa 31 % tal-PDG tal-Istati Membri. Meta l-bżonn tal-appoġġ għall-qgħad jonqos, l-istess riżorsi pubbliċi għandhom jiġu allokati minflok fil-politika tal-familja u l-iżvilupp tal-ħiliet. Dan huwa eżempju ta' kif strateġija ta' ħruġ tiġi żviluppata fi strateġija ta' dħul.

3.4.5.2   L-appoġġ adegwat għad-dħul, l-aċċess għas-suq tax-xogħol u għal servizzi soċjali ta' kwalità huma importanti skont il-Kummissjoni. Dak li tista’ tagħmel l-UE dwar il-kwistjonijiet soċjali huwa komplement żgħir għall-politiki soċjali nazzjonali. Rajna bosta strumenti tal-UE biex iħeġġu lill-Istati Membri biex jitgħallmu mingħand xulxin – bench-marking, analiżi bejn il-pari, il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni. Dawn ma kellhomx ir-riżultati mistennija. L-UE ma tistax iġġiegħel lill-Istati Membri biex isegwu eżempji ta' prattika tajba. Il-metodu tal-pubblikazzjoni tal-ismijiet u ċ-ċanfir pubbliku (“naming and shaming”) jista’ jkun wieħed mill-mezzi biex titqajjem kuxjenza pubblika dwar id-differenzi.

3.4.5.3   Il-miżuri tal-awsterità jridu jkunu bbilanċjati. Ma nistgħux nippermettu li s-sistemi tas-sigurtà soċjali jiġu ssagrifikati minħabba l-ibbilanċjar tal-baġits. Il-kriżi żvelat in-nuqqasijiet li għad hemm fis-sistemi soċjali. L-arkitettura tas-sistemi soċjali għandha twassal għall-benesseri u l-impjiegi. Iżda s-sistemi soċjali għandhom ir-restrizzjonijiet tagħhom ukoll – iridu jinżammu fil-limiti tal-possibbiltajiet finanzjarji.

3.4.6   Sorsi ġodda ta' dħul  (11)

3.4.6.1   F’opinjoni dwar l-istrateġija ta' wara Lisbona, il-KESE semma kemm taxxa fuq it-transazzjonijiet fiskali kif ukoll taxxa fuq id-diossidu tal-karbonju bħala sorsi ġodda għad-dħul pubbliku. Dawn għandhom l-hekk imsejħa dividendi doppji, jiġifieri li apparti milli jżidu d-dħul huma jistgħu wkoll inaqqsu l-approċċ fuq perijodu qasir fis-suq finanzjarju u jtejbu l-ambjent tagħna. Ir-raġuni attwali għat-tfittxija għal sorsi ġodda ta' finanzjament huwa biex jitnaqqsu l-iżbilanċi baġitarji kbar. It-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji u d-diossidu tal-karbonju huma preferuti iktar minn żieda f’taxxi oħrajn bħal dawk fuq ix-xogħol u l-VAT. Dawn tal-aħħar inaqqsu d-domanda ġenerali, li fis-sitwazzjoni attwali mhuwiex rakkomandabbli.

3.4.6.2   Metodu ieħor ġdid għall-finanzjament pubbliku huwa l-Eurobonds. Dawn jistgħu jipprovdu l-kapital lis-settur pubbliku mingħajr ma jistrieħ għalkollox fuq is-settur finanzjarju privat. Il-Eurobonds jiġbdu riżorsi finanzjarji direttament mis-sors tagħhom bħall-fondi tal-pensjonijiet li jkunu qed ifittxu l-investimenti fit-tul għal flushom. Teżisti wkoll il-possibbiltà li jinfetħu investimenti privati fit-tul għat-tfaddil fil-BEI sabiex jinstabu sorsi ġodda għall-BEI. B’hekk, il-BEI jsir l-interfaċċja bejn dawn ir-riżorsi ġodda tal-kapital u l-investimenti tiegħu. It-tfaddil għat-tul imbagħad ikun disponibbli għall-investimenti pubbliċi fit-tul, pereżempju fl-infrastruttura. Il-Eurobonds huma “kunċett” iżda għandhom jinkludu l-Istati Membri kollha. Hawnhekk erġajna għandna dividend doppju – il-lok għall-ispekulazzjoni kontra d-dejn sovran fis-suq finanzjaru jitnaqqas ukoll.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Skont id-dokumenti tal-Kummissjoni: Progress report on the implementation of the European Economic Recovery Plan (Rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku) u Interim forecast February 2010 (Previżjoni Interim, Frar 2010).

(2)  Ara Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji.

(3)  Centre for European Policy Studies Nru 202 ta' Frar 2010.

(4)  OECD: Pensions at a glance, (Ħarsa ġenerali lejn il-pensjonijiet) 2009.

(5)  COM(2010) 2020, punt 4.1.

(6)  ILO: Global Wage Report 2009 Update, (Rapport dinji dwar il-Pagi) Novembru 2009.

(7)  Eurostat, euroindicators 61/2010, 30 ta' April 2010.

(8)  Iċ-ċifri huma kkalkulati mid-data tal-Eurostat. Id-differenzi bejn l-Istati Membri huma kbar b’mod sorprendenti, pereżempju minn 46 % fl-Isvezja sa 75 % fil-Greċja. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi kellhom tnaqqis żgħir fis-sehem tal-konsum tagħhom iżda għal xi wħud il-bidliet kienu drammatiċi. Fir-Renju Unit, it-tnaqqis minn 72 għal 60 % diffiċli li jiġi spjegat.

(9)  Crisis in the euro area and how to deal with it (Il-kriżi fiż-żona tal-euro u kif għandha tiġi indirizzata), Centre for European Policy Studies, Frar 2010.

(10)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Proposta għar-Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2010 - COM(2010) 25 finali.

(11)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE dwar It-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji u L-implikazzjonijiet tal-kriżi tad-dejn sovran għall-governanza tal-UE.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2012” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/12

Relatur: is-Sur OSBORN

Nhar it-18 ta’ Frar 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Lejn Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2012

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’116-il vot favur, vot wieħed kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE, fir-rwol tiegħu bħala l-vuċi tas-soċjetà ċivili organizzata fl-Ewropa, jirrakkomanda li l-Unjoni Ewropea taqdi rwol ta’ mexxej fit-tħejjijiet għas-Summit li jmiss dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li ser isir f’Rio fl-2012.

1.2

L-UE għandha tkun minn ta’ quddiem f’li tħeġġeġ aġenda ambizzjuża għas-summit li jista’ jagħti spinta u enerġija ġdida lill-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli tal-gvernijiet u tas-soċjetà ċivili madwar id-dinja.

1.3

Is-summit għandu jkollu l-istess spirtu ta’ Rio u jagħti spinta ġdida lill-prinċipji ta’ Rio u tal-Aġenda 21 bħala strumenti li jinvolvu lil atturi ta’ kull tip u li jmexxu lid-dinja ’l quddiem fi triq iktar sostenibbli.

1.4

Is-summit għandu jkun okkażjoni importanti u jservi ta’ limitu taż-żmien li fih għandhom: jiġu ffinalizzati l-passi favur in-negozjati dwar it-tibdil fil-klima u jittieħed impenn favurihom, jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar il-merkurju u jitnedew negozjati ġodda dwar l-inkorporazzjoni tas-sostenibbiltà fil-governanaza korporattiva u fil-mandat tal-gvern reġjonali u lokali.

1.5

Is-summit għandu jagħraf u jappoġġja l-Karta Dinjija bħala mezz li jispira l-impenn u l-azzjoni mill-individwi u l-organizzazzjonijiet madwar id-dinja.

1.6

L-UE għandha tuża s-Summit biex tagħti ħajja ġdida lill-proċessi u l-istrutturi tagħha stess biex b’hekk isir progress fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. Fl-istess waqt tkun qed tħeġġeġ tiġdid simili tal-attività sostenibbli madwar id-dinja. B’mod partikulari, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Unjoni biex:

tiddefinixxi u timplimenta bosta aspetti tal-ekonomija ekoloġika fl-Ewropa u toħloq u tiffinanzja kanali ġodda ta’ għajnuna finanzjarja u tat-trasferiment tat-teknoloġija u l-għarfien sabiex il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw (b’mod partikulari l-LDCs) jirċievu l-għajnuna fit-transizzjoni lejn is-sostenibbiltà;

issaħħaħ il-bosta aspetti tal-governanza tal-Iżvilupp Sostenibbli fl-Ewropa;

timpenja lis-soċjetà ċivili madwar l-Ewropa f’li din tikkontribwixxi għall-proċess ta’ Rio u biex terġa’ tinkiseb il-viżjoni ta’ Rio u l-appoġġ politiku u popolari għaliha.

1.7

Sabiex l-UE timxi ’l quddiem fil-ħolqien ta’ ekonomija ekoloġika matul it-12-il xahar li jmiss hija għandha:

tirrivedi u ssaħħaħ l-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE billi tintegra l-objettivi ewlenin tagħha fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 – u tiżviluppa proposti paralleli fin-negozjati tas-summit għall-ħolqien ta’ qafas internazzjonali msaħħaħ għall-promozzjoni u l-koordinazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tas-sostenibbiltà;

tiffinalizza l-ħidma attwali biex ikunu provduti ta’ miżuri aħjar għall-progress tas-sostenibbiltà, u tħaddanhom b’mod espliċitu fil-qafas ta’ monitoraġġ ewlieni għall- Ewropa 2020 – u tiżviluppa proposti paralleli fin-negozjati tas-summit għat-twaqqif u ż-żamma ta’ skedi internazzjonali iktar koerenti u konsistenti għall-kejl u l-monitoraġġ tal-progress fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli;

tlesti l-istudji li ilhom għaddejjin dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u tintegrahom fl-objettivi tal-programm ewlieni tal-Ewropa 2020 – u tiżviluppa proposti paralleli għan-negozjati tas-summit;

tiġbor flimkien l-esperjenza Ewropea fil-qasam tat-taxxi ekoloġiċi u l-istrumenti fiskali (inkluż il-prezz u l-kummerċ tal-karbonju) u tintegrahom f’inizjattiva ġdida mifruxa fl-Ewropa kollha dwar l-istrumenti tat-taxxa ekoloġika u tressaq proposti paralleli għal gwida min-NU jew oqsfa f’dan il-qasam;

tiġbor flimkien l-esperjenza Ewropea dwar id-dimensjoni soċjali tal-Iżvilupp Sostenibbli, inkluż l-ambitu għall-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi ġodda li jieħdu post uħud li qed jintilfu u l-mezzi ta’ kif għandhom jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali, u li dawn il-punti jitqajmu fid-diskussjonijiet tas-summit dwar l-aspett soċjali ta’ ekonomija ekoloġika;

twaqqaf mezz effiċjenti għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tipprovdi appoġġ finanzjarju u teknoloġiku adegwat.

1.8

Sabiex issaħħaħ il-bosta aspetti tal-governanza tal-iżvilupp sostenibbli, l-UE għandha;

tappoġġja t-tisħiħ tal-UNEP u l-CSD;

tappoġġja l-inklużjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-mandat tal-Bank Dinji, l-IMF u d-WTO u korpi internazzjonali rilevanti oħra;

tippromovi u ssaħħaħ l-istrateġiji nazzjonali tal-iżvilupp u s-sistemi nazzjonali għall-ħolqien, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom u ta’ strument bħall-Istrateġija tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-UE għat-tisħiħ u l-armonizzazzjoni ta’ din il-ħidma fil-livell sopranazzjonali - kemm fl-Ewropa kif ukoll fin-negozjati internazzjonali;

tippromovi t-tisħiħ tal-istrateġiji reġjonali u lokali tal-iżvilupp sostenibbli u l-implimentazzjoni tal-istrumenti kemm fl-Ewropa kif ukoll fin-negozjati internazzjonali;

tippromovi l-inklużjoni tal-iżvilupp sostenibbli fir-regoli u l-gwida li tingħata sabiex tinħoloq governanza korporattiva fis-settur tan-negozju kemm fl-Ewropa kif ukoll fin-negozjati internazzjonali;

1.9

Sabiex tiżgura impenn sħiħ u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-UE għandha:

taħdem għall-parteċipazzjoni sħiħa tal-partijiet interessati fil-proċess tan-NU;

taħdem mal-KESE u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili organizzata sabiex tiżgura l-impenn sħiħ tas-soċjetà ċivili fil-proċessi preparatorji tal-Ewropa u tal-Istati Membri;

tappoġġja proċessi preparatorji indipendenti fost setturi speċifiċi tas-soċjetà ċivili inklużi n-negozji, it-trade unions, l-NGOs, il-komunitajiet xjentifiċi u edukattivi, il-bdiewa, il-gruppi tan-nisa u ż-żgħażagħ kemm fl-Ewropa kif ukoll fin-negozjati internazzjonali;

2.   Introduzzjoni u sfond

2.1

Nhar l-24 ta’ Diċembru 2009, l-Assemblea Ġenerali tan-NU (AĠ) adottat riżoluzzjoni biex issir Konferenza dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (UNCSD) fl-2012. Din se ssir f’Rio 40 sena wara l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent tal-Bniedem fi Stokkolma, 20 sena wara l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (UNCED) f’Rio, u 10 snin wara s-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (WSSD) f’Johannesburg.

2.2

Skont ir-riżoluzzjoni tal-AĠ, il-Konferenza se jkollha tliet objettivi:

li tiżgura impenn politiku mġedded għall-iżvilupp sostenibbli;

li tevalwa l-progress sal-lum u d-differenzi li fadal fl-implimentazzjoni tar-riżultati tas-summits ewlenin dwar l-iżvilupp sostenibbli;

li tindirizza sfidi ġodda u emerġenti;

u żewġ temi speċifiċi:

ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u t-tneħħija tal-faqar;

qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli.

2.3

Il-KESE jilqa’ din l-inizjattiva. Jidher ċar li r-ritmu globali favur l-iżvilupp sostenibbli naqas xi ftit f’dawn l-aħħar snin, u hemm bżonn ta’ spinta ġdida sabiex l-Aġenda tal-Iżvilupp Sostenibbli tingħata ħajja ġdida. Fl-Ewropa, l-Iżvilupp Sostenibbli għadu qed javvanza bħala qafas globali għall-iżvilupp tal-politika, iżda fis-snin reċenti twarrab ftit minħabba l-impatt tal-kriżi ekonomika u l-ħtieġa li ssir enfasi fuq l-irkupru. Is-Summit il-ġdid ta’ Rio jista’ jkun opportunità tajba li permezz tagħha l-iżvilupp sostenibbli jerġa’ jingħata l-pożizzjoni li jixraqlu bħala xprun ċentrali tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

2.4

Mistennija li jsiru b’kollox tliet laqgħat tal-Kumitat tat-Tħejjija. L-ewwel waħda saret bejn is-17 u d-19 ta’ Mejju 2010. L-oħrajn se jsegwu fl-2011 u l-2012.

L-ewwel Kumitat tat-Tħejjija elabora l-proċeduri, il-proċessi u l-iskedi tal-ħin għall-Konferenza, u ħa sehem f’taħditiet preliminari dwar it-temi ewlenin imsemmija hawn fuq. Huwa qabel li s-Segretarjat tan-NU għandu jitlob lill-Istati Membri, il-korpi internazzjonali rilevanti u l-Gruppi Ewlenin li jikkontribwixxu dwar għadd limitat ta’ mistoqsijiet speċifiċi.

2.5

Is-soċjetà ċivili kienet rappreżentata fil-Kumitat tat-Tħejjija fid-9 Gruppi Ewlenin rikonoxxuti min-NU. Huma ntalbu jagħmlu l-preparazzjonijiet tagħhom u jagħtu kontribut fl-istadji li jmiss tal-proċess preparatorju u fil-konferenza. Bosta mill-Gruppi Ewlenin għamluha ċara li jridu jieħdu l-opportunità tal-proċess tal-2012 biex imexxu l-evalwazzjonijiet tagħhom dwar il-progress tal-iżvilupp sostenibbli fl-oqsma tagħhom. Jixtiequ juru s-suċċessi, l-opportunitajiet u l-isfidi f’Rio, u jfittxu aktar għarfien u appoġġ mill-gvernijiet fil-proċess, kif ukoll jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet dwar l-għamla u l-objettivi tan-negozjati formali.

2.6

L-Unjoni Ewropea kienet attiva fl-ewwel Kumitat tat-Tħejjija fejn għenet fit-tfassil ta’ aġenda pożittiva u realistika għas-summit u għaddejja bil-proċess preparatorju attiv tagħha fl-Istati Membri. Il-KESE kien kuntent li, f’isem is-soċjetà ċivili organizzata, ġie involut bħala membru tad-delegazzjoni tal-UE fl-ewwel Kumitat tat-Tħejjija u ser ikompli jaqdi rwol attiv permezz tat-tfassil ta’ din l-opinjoni inizjali u wara bil-ħidma li trid issir hekk kif il-preparazzjonijiet iżidu fil-pass (ara l-punt 7.2).

3.   Il-viżjoni u l-livell ta’ ambizzjoni

3.1

Is-Summit ta’ Rio tal-1992 kien ambizzjuż u kellu rieda kbira. Huwa rnexxielu jimmobilizza appoġġ u azzjoni favur l-Iżvilupp Sostenibbli madwar id-dinja. Għamel dan billi għaqqad aġenda sostanzjali u konkreta f’viżjoni interessanti u ispiranti u billi ħeġġeġ l-appoġġ popolari u r-rieda politika.

3.2

L-isfida tas-sostenibbiltà għadha urġenti, u f’ħafna aspetti iktar urġenti minn qatt qabel. Iżda l-livelli ta’ enerġija u ambizzjoni fost il-gvernijiet fl-ewwel Kumitat tat-Tħejjija kienu diżappuntanti. Ħafna kellhom iktar l-intenzjoni li jnaqqsu l-istennijiet eċċessivi milli li jkompli jibnu d-determinazzjoni għal bidla pożittiva.

3.3

Is-soċjetà ċivili hija iktar ambizzjuża. Partijiet interessati differenti taw sehemhom fl-ewwel Kumitat tat-Tħejjija billi ressqu proposti konkreti lid-delegati uffiċjali u żviluppaw proċessi paralleli bi preparazzjoni għall-Konferenza. Fl-Ewropa, il-KESE jemmen li l-partijiet interessati differenti għandhom ir-rieda u l-kapaċità li jgħollu l-profil tal-proċess 2012 u jaħdmu favur riżultati pożittivi. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jużaw dan il-potenzjal b’mod sħiħ u joħolqu proċess miftuħ u ambizzjuż li jinkludi bosta partijiet interessati fil-livell kollha sabiex jisfruttaw bis-sħiħ l-esperjenza tagħhom.

3.4

Jekk in-negozjati dwar it-tibdil fil-klima u dwar il-bijodiversità jingħataw mira u skadenza biex jintlaħaq ftehim sostantiv fil-ħin li jiġi approvat mill-mexxejja dinjija waqt Rio 2012, dan jista’ jkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ proċessi. Dik il-kombinazzjoni ta’ objettivi ħadmet b’mod effettiv ħafna biex tiggalvanizza l-progress fis-sentejn qabel Rio 1992. Il-konferenza tal-2012 tista’ sservi ta’ limitu ta’ żmien li fih jistgħu jinġiebu ’l quddiem f’fażi ġdida n-negozjati attwali dwar it-tibdil fil-klima u l-bijodiversità.

3.5

Is-summit tal-2012 jista’ jintuża sabiex jaċċellera d-deċiżjonijiet dwar in-negozjati internazzjonali attwali dwar il-merkurju u dwar ir-REDD (it-tnaqqis ta’ emissjonijiet mid-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti). Hija tista’ tkun l-okkażjoni li fiha jitnedew negozjati ġodda dwar l-inkorporazzjoni tas-sostenibbiltà fil-governanza korporattiva (ara punt 6.8 hawn isfel) u dwar l-azzjoni lokali dwar is-sostenibbiltà (punt 6.9).

3.6

Is-Summit tal-1992 nissel viżjoni ġdida u ispiranti għal ġejjieni armonjuż għall-pjaneta, espress fil-lingwaġġ ġdid tal-Iżvilupp Sostenibbli. Sabiex Rio 2012 jingħata l-enerġija meħtieġa hemm bżonn espressjoni ġdida ta’ din il-viżjoni. Il-KESE jissuġġerixxi enfasi fuq il-Karta Dinjija għal dan il-għan, u li jintuża s-Summit biex dan id-dokument ta’ ispirazzjoni ikun rikonoxxut b’mod formali (kif diġà għamlet il-UNESCO). Matul dawn l-aħħar snin il-Karta Dinjija (Earth Charter) kompliet tikseb appoġġ madwar id-dinja. L-għarfien tal-Karta min-NU kollha kemm hi għandu jsaħħaħ l-attrattiva tagħha f’kull rokna tad-dinja, u jgħin biex jerġa’ jitħeġġeġ l-ispirtu ambizzjuż u pożittiv li qajjem id-dinja fl-1992.

4.   Il-qagħda tal-implimentazzjoni u l-lakuni li fadal

4.1

L-ewwel Kumitat tat-Tħejjija tan-NU nnota li l-progress fl-implimentazzjoni tal-għanijiet u l-objettivi tal-Konferenza ta’ Stokkolma tal-1972, u tas-summits tal-1992 u l-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, ma kienx konklużiv u konsistenti. Minkejja li kien hemm xi suċċessi, notevolment fir-rigward taż-żieda fid-dħul u fit-tnaqqis tal-faqar u fit-titjib tal-aċċess għall-edukazzjoni u saħħa aħjar, l-iktar fl-ekonomiji emerġenti, fadal ħafna sfidi kbar.

4.2

Hemm lakuni persistenti fl-implimentazzjoni, relatati mal-eradikazzjoni tal-faqar, is-sigurtà tal-ikel, l-inugwaljanzi fid-dħul, iż-żamma tal-bijodiversità, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, it-tnaqqis fil-pressjoni fuq l-ekosistemi u s-sajd, l-aċċess għal ilma nadif u l-indafa, u l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fl-implimentazzjoni tal-għanijiet miftiehma fuq livell internazzjonali, li jirriflettu approċċ ifframmentat fejn jidħlu l-għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli. Ma sarx tibdil kbir fix-xejriet tal-konsum u l-produzzjoni minn mindu sar l-UNCED, għalkemm huma indispensabbli bidliet fundamentali għal Żvilupp Sostenibbli globali.

4.3

L-isforzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp għall-Millenju, ixxekklu iżjed minħabba l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi riċenti li affettwaw ħażin il-prestazzjoni ekonomika, naqqsu mill-impatti pożittivi ta’ suċċessi li ma ġewx minn lejl għal nhar, u żiedu l-għadd ta’ nies li qed jgħixu fil-faqar estrem.

4.4

F’dawn l-aħħar 20 sena, fl-Ewropa (u fil-bqija tad-dinja żviluppata), sar progress fir-rigward ta’ wħud mill-għanijiet ambjentali, iżda fejn jidħlu l-kwistjonijiet ewlenin ta’ konsum ta’ riżorsi u emissjonijiet ta’ CO2 għad fadal ħafna xi jsir, u l-impatt tal-marka ekoloġika tal-Ewropa fuq il-bqija tal-pjaneta f’termini ta’ tnaqqis tar-riżorsi u l-esportazzjoni tat-tniġġis jibqa’ fuq livell mhux sostenibbli. Mil-lat soċjali, il-livelli ta’ qgħad u ta’ inugwaljanzi li qed jikbru fil-komunitajiet u bejniethom, ukoll juru xejriet li mhumiex sostenibbli.

4.5

Il-Kumitat tat-Tħejjija ma identifikax kwistjonijiet tas-sostenibbiltà kompletament ġodda. Huwa nnota li ħafna mill-kwistjonijiet tas-sostenibbiltà kienu diġà ġew identifikati f’Rio fl-1992 u saru iktar persistenti kif turi l-kriżi reċenti u li għadha għaddejja fil-finanzi u l-ekonomija, l-enerġija, l-ilma u l-ikel. Problemi bħat-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità saru iktar imminenti u serji milli kienu qabel. It-tkabbir kontinwu tal-popolazzjoni qed ikompli jżid pressjonijiet oħra.

4.6

Fid-dinja li għadha qed tiżviluppa, qed tinħoloq firda bejn l-ekonomiji emerġenti li t-tkabbir mgħaġġel tagħhom qed iġib miegħu piżijiet ġodda fuq ir-riżorsi dinjija u l-ammont ta’ tniġġis, u l-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDC) fejn il-faqar u d-degradazzjoni ambjentali jibqgħu fatturi ta’ riskju kritiku għas-sostenibbiltà. B’xi eċċezzjonijiet, pajjiżi żviluppati għadhom ’il bogħod milli jilħqu l-livelli ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (Official Development Assistance - ODA), li wiegħdu kemm-il darba sabiex jgħinu lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw biex jagħmlu dan b’mod iktar sostenibbli.

4.7

Fid-dawl ta’ dawn l-isfidi kollha, għan partikolari tal-UE huwa li tara kif se tittejjeb is-sostenibbiltà tal-ekonomiji tagħna, kif ukoll kif ser timmobbilizza l-appoġġ finanzjarju u tekniku suffiċjenti sabiex tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikulari l-LDCs sabiex dawn ikunu jistgħu jindirizzaw l-isfidi tal-Iżvilupp Sostenibbli tagħhom b’mod iktar effettiv. L-UE għandha tuża s-Summit biex tagħti ħajja ġdida lill-proċessi u lill-istrutturi tagħha stess biex b’hekk isir progress fuq dawn il-kwistjonijiet. B’mod partikulari, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Unjoni biex:

tiddefinixxi u timplimenta bosta aspetti ta’ ekonomija ekoloġika fl-Ewropa u toħloq u tiffinanzja kanali ġodda ta’ għajnuna finanzjarja u tat-trasferiment tat-teknoloġija u l-għarfien sabiex il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw jirċievu l-għajnuna fit-transizzjoni lejn is-sostenibbiltà (Taqsima 5);

issaħħaħ aspetti varji tal-governanza tal-Iżvilupp Sostenibbli fl-Ewropa (Taqsima 6);

timpenja lis-soċjetà ċivili madwar l-Ewropa biex tikkontribwixxi għall-proċess ta’ Rio u terġa’ tikseb il-viżjoni ta’ Rio u l-appoġġ politiku u popolari għaliha (Taqsima 7);

5.   Ekonomija ekoloġika fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli u l-eradikazzjoni tal-faqar

5.1

L-ekonomija ekoloġija ser tkun waħda mit-temi ewlenin tal-Konferenza. Jeżistu bosta fehmiet dwar xi tfisser eżatt l-ekonomija ekoloġika. Hemm kunsens madanakollu dwar il-fatt li t-tifsira tagħha hija xprunata fil-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli. Ekonomija ekoloġika jew il-proċess li jwassal għal ekonomija ekoloġija tista’ titfisser bħala wieħed mill-mezzi kruċjali ta’ kif tiġi stabbilita t-triq għal sistema ta’ żvilupp iktar sostenibbli fil-ġejjieni.

5.2

L-ekonomija ekoloġika, bis-saħħa tal-promozzjoni ta’ aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi naturali u l-enerġija, u bil-promozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda għal enerġija nadifa u produzzjoni iktar nadifa, tista’ toħloq opportunitajiet ġodda għat-tkabbir ekonomiku u għal impjiegi ġodda. Ser ikollhom jiġu stabbiliti oqfsa adatti ta’ politika nazzjonali sabiex imexxu t-transizzjoni għal ekonomija ekoloġika, sabiex jiġu promossi l-konsum u xejriet ta’ produzzjoni sostenibbli, u sabiex l-ekosistemi jkunu jistgħu jlaħħqu mal-attività ekonomika.

5.3

L-iżvilupp u l-bidla sostenibbli għandhom jirrispettaw il-limiti naturali u jħarsu r-riżorsi naturali u l-wirt kulturali. Madanakolli l-iżvilupp sostenibbli ma jfissirx staġnar iżda bil-kontra, jirrikjedi bidla u żvilupp kontinwi. Fil-qasam tal-enerġija, pereżempju, ser ikun hemm bżonn bidla kbira fil-metodi tal-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija matul l-40 sena li jmiss hekk kif juri r-rapport reċenti tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija dwar il-qagħda tat-teknoloġija fl-2050. Eżempju ieħor huwa s-settur tal-kimika fejn diġà sar ħafna xogħol sabiex jinbidlu s-sistemi tal-produzzjoni u jieħdu direzzjoni iktar effiċjenti u sostenibbli u sabiex din il-bidla jkollha vantaġġ kummerċjali.

5.4

L-istrumenti ta’ politika li jistgħu jintużaw fil-qafas tal-ekonomija ekoloġika huma maqsuma fi ftit kategoriji:

prezz tajjeb;

politiki tal-akkwist pubbliku;

riformi fil-qasam tat-tassazzjoni ekoloġika;

investiment pubbliku fl-infrastruttura sostenibbli;

appoġġ pubbliku mmirat għar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam ta’ teknoloġiji ekoloġiċi;

politiki soċjali li jirrikonċiljaw l-għanijiet soċjali mal-politiki tal-ekonomija.

5.5

Fil-livell globali n-NU diġà nediet xi inizjattivi f’dan il-qasam li fuqhom tista’ tkompli tibni l-UNCSD tal-2012. L-Inizjattiva favur Ekonomija Ekoloġija tagħha għandha l-għan li tgħin lill-gvernijiet ifasslu u jiffokaw mill-ġdid il-politiki, l-investimenti u l-infiq f’firxa ta’ setturi, bħat-teknoloġija nodfa, l-enerġiji rinnovabbli, is-servizzi tal-ilma, it-trasport ekoloġiku, il-ġestjoni tal-iskart, il-bini ekoloġiku u l-agrikoltura u l-foresti sostenibbli. L-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità u l-Patt Ekoloġiku Globali Ġdid (Global Green New Deal) huma proġetti ewlenin ta’ din l-inizjattiva.

5.6

Bħalissa huma l-pajjiżi żviluppati li l-iktar li jżidu fil-problema tat-tibdil fil-klima b’livelli għolja ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra għal kull ras. Għalhekk quddiemhom għandhom l-isfida l-kbira li jibnu l-ekonomiji tagħhom fuq mudell li jikkonsma livell ta’ karbonju iktar baxx. Fl-istess waqt madanakollu għandhom il-vantaġġ ta’ teknoloġiji avvanzati u riżorsi kapitali li permezz tagħhom jistgħu jmexxu din it-transizzjoni jekk jimpenjaw ruħhom malajr sabiex jirbħu din l-isfida.

5.7

Hemm xi tħassib fost pajjiżi li qed jiżviluppaw li “l-ekonomija ekoloġika” hija kunċett ġej mit-tramuntana li fil-fatt jista’ jnaqqas il-pass tal-proċess ta’ żvilupp u jista’ jinkludi element protezzjonista. Se jkun importanti ħafna li jintwera kif il-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jibbenefikaw minnha u kif se tikkontribwixxi għat-transizzjoni tal-iżvilupp. Komponent ewlieni se jkun kemm il-pajjiżi żviluppati qed jieħdu bis-serjetà l-impenji tagħhom favur l-appoġġ tal-ekonomija ekoloġika fil-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

5.8

Sabiex jiġi żgurat riżultat sinifikanti f’dan il-qasam fl-2012, se jkun kruċjali għall-pajjiżi żviluppati li juru kemm li qed iħaddmu dan l-approċċ fl-ekonomiji tagħhom, kif ukoll li huma lesti joffru għajnuna reali f’termini ta’ riżorsi finanzjarji, trasferiment tat-teknoloġija u l-bini tal-kapaċità lejn il-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.

5.9

L-UE għamlet xi progress fil-qasam tal-ekonomija ekoloġika iżda għadu mhux biżżejjed. Fil-fehma tal-KESE, ma jkunx biżżejjed għall-UE li sempliċiment tieħu pożizzjoni f’Rio dwar il-progress limitat li għamlet tul dawn l-aħħar 20 sena, u l-elementi varji tal-istrateġija tal-2020 li juru t-triq lejn ġejjieni sostenibbli. B’mod speċifiku, sabiex ikollha pożizzjoni iktar soda x’tippreżenta fl-2012, nirrakomandaw li fit-12-il xahar li ġejjin l-UE għandha:

tirrivedi u ssaħħaħ l-UE SDS, billi tpoġġi l-objettivi ewlenin tagħha fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

tlesti l-ħidma attwali fuq il-forniment ta’ miżuri aħjar għall-progress tas-sostenibbiltà, u tintegrahom fil-qafas ta’ monitoraġġ ewlieni tal-Ewropa 2020;

tiffinalizza l-istudji li ilhom għaddejjin dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u tintegrahom fl-objettivi tal-programm ewlieni dwar l-effiċjenza tar-riżorsi ewlenin, li huwa parti mill-Ewropa 2020;

tiġbor flimkien l-esperjenza Ewropea fil-qasam tat-taxxi ekoloġiċi u l-istrumenti fiskali (inkluż il-prezz u l-kummerċ tal-karbonju) u tressaq proposti għal gwida min-NU jew oqsfa f’dan il-qasam;

tiġbor flimkien l-esperjenza Ewropea dwar id-dimensjoni soċjali tal-Iżvilupp Sostenibbli, inkluż l-ambitu għall-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi ġodda biex jieħdu post uħud li qed jintilfu u l-mezzi kif għandhom jitnaqqsu l-inugwaljanzi.

Huma meħtieġa azzjonijiet simili fil-livell tal-Istati Membri. Jekk isir progress f’dawn il-kwistjonijiet fl-Ewropa, l-UE tkun f’qagħda tajba biex tħeġġeġ “Aġenda Għal Ekonomija Ekoloġika” globali li tkun tikkonsisti f’elementi simili.

5.10

Fir-rigward tal-qasam tal-finanzi, jidher ċar li jenħtieġ li jkun hemm sforz kbir biex jiġu mobilizzati r-riżorsi pubbliċi u privati sabiex titlesta l-ħidma li għadha ma tlestietx fuq l-aġenda tal-MDGs, u sabiex titmexxa ’l quddiem l-aġenda l-ġdida għal ekonomija ekoloġika. Il-miri ta’ Rio dwar l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għadhom ma ntlaħqux. L-IFIs, l-UNDP, id-WTO, l-UNCTAD u l-Ministeri tal-Finanzi, tal-Ekonomija u tal-Kummerċ madwar id-dinja jridu jkunu impenjati bis-sħiħ kemm f’dan l-eżerċizzju ta’ mobilizzazzjoni kif ukoll fl-aspetti kollha l-oħra tat-transizzjoni għal ekonomika globali iktar ekoloġika. L-UE trid tiżviluppa proposta koerenti u konsistenti għall-għanijiet ta’ din l-ambizzjoni internazzjonali lejn dinja iktar ekoloġika u għat-twettiq ta’ wegħdiet li ilhom li saru favur livelli ta’ appoġġ.

6.   Qafas istituzzjonali għall-iżvilupp sostenibbli

6.1

Huwa rikonoxxut b’mod ġenerali li l-governanza tal-Iżvilupp Sostenibbli fil-livell internazzjonali mhijiex effettiva ħafna u li jenħtieġ bidliet kbar sabiex tieħu nifs ġdid. Il-governanza tal-Iżvilupp Sostenibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali għandha tiggwadanja wkoll minn din l-ispinta l-ġdida.

6.2

Fil-livell internazzjonali jidher ċar li hemm ħtieġa urġenti li jissaħħaħ il-mandat ambjentali tal-UNEP (il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti), u biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (CSD) jew korp li jissostitwixxiha li xxerred il-messaġġ tal-Iżvilupp Sostenibbli madwar is-setturi differenti tal-ekonomija globali u madwar l-aġenziji internazzjonali kollha. Il-possibbiltà li l-UNEP tiġi promossa għal Organizzazzjoni Ambjentali Dinjija b’mandat iktar wiesa’ ilha tiġi diskussa. Jeħtieġ li jkollha bażi xjentifika iktar b’saħħitha, kredibbli u aċċessibbli u għandha bżonn kapaċità ikbar biex tinteraġixxi b’mod kreattiv ma’ taqsimiet oħra tas-sistema tan-NU, biex tikkoordina għadd kbir ta’ Ftehimiet Ambjentali Multilaterali separati u biex tappoġġja l-iżvilupp tal-kapaċità fi kwistjonijiet ambjentali f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u Stati Membri oħrajn; u għandha bżonn bażi ta’ riżorsi ikbar u iktar sigura. L-2012 tista’ tkun l-okkażjoni biex dawn l-ideat kollha jsiru realtà.

6.3

L-Iżvilupp Sostenibbli għandu bżonn ukoll leħen iktar qawwi u influwenza iktar b’saħħitha fis-sistema tan-NU. Possibbiltà waħda hija li jiġi promoss għal Kunsill sħiħ tan-NU. Għażla oħra tista’ tkun li s-CSD jsir parti mill-ECOSOC tan-NU mwessa’ b’mandat iktar b’saħħtu għall-promozzjoni tal-Iżvilupp Sostenibbli madwar il-familja kollha tan-NU u mal-Bank Dinji u l-FMI (il-Fond Monetarju Internazzjonali). Iżda hawnhekk jistgħu joħorġu possibbiltajiet b’ambitu iktar wiesa’ fid-dawl tal-ħidma tal-Panil il-ġdid ta’ Livell Għoli dwar it-Tibdil fil-Klima u l-Iżvilupp, li għadu kemm twaqqaf mis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

6.4

Fl-approċċ lejn aktar diskussjonijiet, il-KESE jirrakkomanda li l-UE għandu jkollha tliet għanijiet ġenerali:

l-integrazzjoni tal-Iżvilupp Sostenibbli f’mandat għal uħud mill-aġenziji ewlenin, inkluż in-NU u l-ECOSOC tiegħu, il-Bank Dinji, l-FMI, id-WTO, kif ukoll il-korpi li huma involuti b’mod iktar speċifiku għall-Iżvilupp Sostenibbli, bħas-CSD, l-UNEP, l-UNDP, eċċ.;

It-tisħiħ tas-CSD u l-kapaċità tagħha li tikkoordina l-ħidma fir-rigward tal-Iżvilupp Sostenibbli madwar is-sistema tan-NU, b’mod partikulari billi tingħata l-istatus u l-missjoni li twassal l-għan speċifiku tal-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fi ħdan il-ġestjoni tal-politiki globali ekonomiċi quddiem id-Dipartimenti tal-Finanzi u tal-Ekonomija Sostenibbli;

It-tisħiħ tal-UNEP u l-kapaċità tiegħu li jissorvelja bidliet kritiċi fl-ambjent globali u biex jippromovi azzjoni ta’ ħarsien effettiva.

6.5

Hemm ukoll il-ħtieġa li tiġi rinforzata l-governanza għall-Iżvilupp Sostenibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali u korporattiv. L-istrateġiji nazzjonali, sottonazzjonali u lokali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli jridu jerġgħu jingħataw il-ħajja u nifs ġdid. Il-governanza korporattiva trid tagħti enfasi iktar b’saħħitha lill-Iżvilupp Sostenibbli. Iridu jinħolqu jew jingħataw nifs ġdid il-kunsilli nazzjonali tal-iżvilupp sostenibbli jew strutturi simili biex jipprovdu spinta iktar b’saħħitha lill-Iżvilupp Sostenibbli. Is-soċjetà ċivili trid tkun impenjata b’mod iktar attiv. Fi ħdan l-UE, l-Istrateġija Ewropea tal-Iżvilupp Sostenibbli ħolqot qafas sabiex fih ikunu jistgħu jiġu avvanzati dawn l-elementi kollha. Madanakollu din ma ġietx segwita biżżejjed. L-elementi prinċipali tagħha jridu jissaħħu u inkorporati fl-Istrateġija Ewropa 2020 u mmonitorjati mill-qrib.

6.6

Gruppi ewlenin tas-soċjetà ċivili li r-rwol tagħhom fi ħdan is-sistema tan-NU żdied bis-saħħa ta’ Rio 1992, se jkollhom jirrivedu l-esperjenza tagħhom fuq dawn il-kwistjonijiet, u jġibu magħhom f’Rio xempji ta’ prattika tajba, huma u jfittxu rikonoxximent u r-rinfurzar tal-aqwa prattika permezz ta’ strateġiji nazzjonali u lokali ta’ sostenibbiltà, inizjattivi ta’ responsabbilità korporattiva, eċċ.

6.7

Il-KESE jirrakkomanda li l-UE għandha targumenta bis-saħħa favur kontributi sostanzjali mis-soċjetà ċivili u l-gruppi prinċipali lejn il-proċess tal-2012. Il-gruppi għandhom jitħeġġu juru dak kollu li diġà sar u jressqu proposti għat-tisħiħ u l-konsolidazzjoni tar-rwol tagħhom.

6.8

Fis-settur industrijali r-responsabbiltajiet tas-sostenibbiltà għandhom jiġu kodifikati fl-oqfsa emerġenti għar-responsabbiltà soċjali korporattiva. In-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali ġdida dwar is-suġġett tista’ titnieda fl-2012 f’Rio.

6.9

Il-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet sottonazzjonali l-oħra qed jaqdu rwol dejjem jiżdied fl-implimentazzjoni ta’ bosta aspetti tal-iżvilupp sostenibbli. Hekk kif qed jagħmlu wkoll ħafna bliet u awtoritajiet lokali oħra. Dawn l-iżviluppi jistgħu jiġu kodifikati fi ftehim ġdid b’mandati espliċiti (u r-riżorsi neċessarji) għall-implimentazzjoni ta’ partijiet speċifiċi tal-aġenda tal-Iżvilupp Sostenibbli, sabiex l-eżempji tajba ta’ dawk il-ftit li qegħdin fuq quddiem f’dan il-qasam jistgħu jsiru prattika komuni u standard għall-bqija.

7.   Ir-rwol possibbli tal-UE u tal-KESE

7.1

M’hemmx dubju li l-UE ser ikollha rwol prinċipali x’taqdi fl-iżvilupp ta’ strateġija għall-2012. Għandha turi lill-komunità internazzjonali kif il-konverżjoni għal ekonomija ekoloġika hija ta’ benefiċċju kemm għat-tramuntana kif ukoll għan-nofsinhar u tippromovi tibdil istituzzjonali favur governanza aħjar tal-Iżvilupp Sostenibbli. Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jużaw l-okkażjoni tal-Konferenza biex imexxu ’l quddiem it-tranżizzjoni tagħhom stess lejn ekonomija iktar ekoloġika u jtejbu l-governanza u l-ġestjoni tagħhom tal-Iżvilupp Sostenibbli u l-impenn tagħhom mas-soċjetà ċivili f’dawn il-proċessi.

7.2

Il-KESE jħoss li huwa lest jaqdi rwol sinifikanti biex jgħin fl-iżvilupp tal-kontribut tas-soċjetà ċivili kemm lejn il-proċess Ewropew kif ukoll dak internazzjonali, u jagħmel pressjoni sabiex jinkisbu riżultati ambizzjużi. Impenn sħiħ min-naħa tas-soċjetà ċivili huwa importanti biex tingħata l-ispinta li hemm bżonn u ssir pressjoni sabiex jinkiseb riżultant sinifikanti f’Rio. Matul it-12-il xahar li jmiss il-KESE qed jippjana li jorganizza dawn l-attivitajiet:

L-organizzazzjoni ta’ aktar konsultazzjonijiet ma’ partijiet interessati fi Brussell dwar l-objettivi ta’ Rio 2012, u l-ħolqien ta’ pjattaforma komuni jekk dan ikun possibbli;

Approċċ proattiv sabiex is-soċjetà ċivili titħeġġeġ tikkontribwixxi fl-Istati Membri permezz tal-Kunsilli Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli, in-netwerk Ewropew tagħhom EEAC u l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali Nazzjonali;

It-tnedija ta’ sensiela ta’ studji settorjali dwar ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni b’suċċess ta’ ħsieb konformi ma’ ekonomija ekoloġika fis-setturi prinċipali bħall-enerġija, it-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-politika ekonomika globali;

Komunikazzjoni wiesgħa permezz ta’ delegazzjonijiet permanenti reġjonali u bilaterali sabiex jitqabblu u jiġu kkoordinati l-kontributi tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa mal-azzjonijiet tas-soċjetà ċivili f’reġjuni oħrajn tad-dinja.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Titjib tal-mudelli tas-‘sħubijiet parteċipattivi pubbliċi-privati’ fl-iżvilupp ta’ ‘servizzi-e’ għal kulħadd fl-UE 27” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/13

Relatur: is-Sur CAPPELLINI

Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Titjib tal-mudelli tas-“sħubijiet parteċipattivi pubbliċi-privati” fl-iżvilupp ta’ “servizzi-e” għal kulħadd fl-UE 27

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar il-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tas-16 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’102 voti favur, vot wieħed kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-Aġenda Diġitali tal-Kummissjoni Ewropea (KE) u l-proposti tar-Rapport dwar is-Suq Intern biex jitwasslu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn suq uniku diġitali u konnessjonijiet tal-internet b’veloċità qawwija ħafna li ser iwasslu l-applikazzjonijiet liċ-ċittadini u lill-SMEs fiż-żoni rurali u remoti. Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew (PE) u l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), li hemm bżonn ta’ iktar attivitajiet ta’ monitoraġġ sabiex jiġi żgurat li kulħadd igawdi mill-broadband b’linji fissi u dak bla fili sal-2013. Hemm bżonn ta’ investiment akbar fil-livelli kollha u għandhom jiġu studjati wkoll is-Sħubijiet Pubbliċi Privati (PPPs) għaż-żoni rurali u remoti biex in-netwerks jiġu aġġornati.

1.2

Il-KESE jappoġġja l-qafas għall-politika komuni tal-UE u nazzjonali biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 u għalhekk jitlob lill-KE biex tistabbilixxi grupp ta’ konsultazzjoni li jkun jista’ jgħin lill-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u l-operaturi privati interessati jissorveljaw aħjar l-aċċess għall-kopertura tal-broadband fiż-żoni rurali u dawk remoti.

1.3

Hemm nuqqasijiet serji tas-suq fil-provvista ta’ netwerks tal-broadband b’veloċità qawwija bi prezzijiet aċċessibbli fiż-żoni remoti. Għalhekk il-KE għandha tippromovi spettru sħiħ ta’ politiki li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ netwerks miftuħin fi ħdan l-inizjattivi tal-Istat u s-settur pubbliku. L-UE għandha tuża bis-sħiħ l-iżvilupp tas-servizzi fis-settur pubbliku u dak privat sabiex tikkontribwixxi għat-titjib tas-servizzi lokali u reġjonali fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-servizzi ta’ emerġenza ta’ interess ġenerali, is-sigurtà u s-servizzi soċjali. L-adozzjoni ta’ PPP mill-awtoritajiet kollha tista’ toffri appoġġ strateġiku lill-SMEs li jispeċjalizzaw fis-servizzi pubbliċi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (TIK) kif ukoll fil-ħiliet tal-intraprendituri żgħażagħ fit-TIK.

1.4

L-investiment privat u l-PPPs fiż-żoni remoti, rurali u dawk bi dħul baxx għandhom jiġu promossi permezz tal-Fondi Strutturali, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) biex iwasslu konnessjonijiet bl-internet bi prezzijiet ġusti liċ-ċittadini vulnerabbli u lill-SMEs.Riżorsi tal-KE ddedikati għal dan għandhom jiġu diretti lejn il-promozzjoni tal-PPPs fi ħdan proġetti pilota transreġjonali u transkonfinali, u għandu jiġi promoss “Jum Ewropew dwar is-servizzi-e għal kulħadd”.

1.5

Il-KESE jagħti importanza kbira lill-bini ta’ sħubijiet iktar b’saħħithom bejn il-provvedituri pubbliċi u privati tas-servizzi-e pubbliċi li joffru servizz aħjar u iktar effiċjenti. Hemm bżonn ta’ iktar trasparenza u parteċipazzjoni attiva min-naħa taċ-ċittadini, filwaqt li jinżammu s-sjieda tal-investiment fl-infrastruttura pubblika u s-sorveljanza tal-prestazzjoni. Is-servizzi pubbliċi huma spiss ipprovduti fil-livell reġjonali u lokali fejn l-SMEs u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jistgħu jieħdu sehem fi sħubijiet tas-settur pubbliku, kemm bħala provvedituri diretti kif ukoll, jekk hemm bżonn ta’ riżorsi finanzjarji sinifikanti jew għarfien espert globali, fi ħdan konsorzju. Dan huwa diġà l-każ fi Franza (Auvergne), l-Italja (Trentino Alto Adige, Lombardia) u Stati Membri oħra tal-UE.

1.6

Aċċess għal broadband bla fili ta’ kwalità għolja u bi prezz raġonevoli jista’ jżid l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet, waqt li jkun iktar faċli għall-SMEs li jbiegħu l-prodotti tagħhom. Ir-reġjuni u l-komunitajiet remoti ser jibbenefikaw l-aktar mill-aċċess għal servizzi tal-broadband li jkollhom veloċità akbar.

1.7

Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ investimenti straordinarji għall-iżvilupp tal-aċċess b’veloċità qawwija u universali għal broadband fiss jew bla fili għaċ-ċittadini u l-konsumaturi kollha. Fil-livell tal-UE, qafas ta’ għajnuna statali li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-UE dwar il-kompetizzjoni jista’ jgħin f’dan ir-rigward, hekk kif tista’ tgħin ukoll koordinazzjoni mtejba bejn id-diversi politiki u programmi tal-UE, biex l-għażla tal-konsumaturi tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ppjanati għal aċċess għaċ-ċittadini u l-lokalitajiet kollha għas-servizzi-e.

1.8

Il-KESE jaqbel li kull dar għandu jkollha aċċess għall-Internet broadband bi prezzijiet kompetittivi sal-2013. Id-dividend diġitali għandu jiġi promoss u użat biex iwessa’ l-kopertura tal-broadband bla fili u l-kwalità tas-servizzi. L-Istati Membri jridu jaġġornaw il-miri nazzjonali għall-kopertura mill-broadband b’veloċità qawwija biex jixprunaw l-awtoritajiet reġjonali u l-atturi privati fl-appoġġ koerenti tagħhom ta’ strateġija Ewropea għal broadband b’veloċità qawwija. B’mod partikolari, l-awtoritajiet reġjonali, l-UE u/jew l-istituzzjonijiet nazzjonali konsultattivi, l-SMEs, l-organizzazzjonijiet u atturi privati oħra għandhom ikunu involuti sa mill-bidu nett fl-inizjattiva tal-KE “L-Internet tal-Ġejjieni”.

1.9

Il-KESE jappoġġja s-soluzzjonijiet PPP li l-mudelli ta’ finanzjament tagħhom jistgħu jipprovdu broadband kosteffettiv u fil-ħin liċ-ċittadini fir-reġjuni rurali u transkonfinali. Għaldaqstant il-KESE jenfasizza li l-ħiliet diġitali, b’mod partikolari għall-SMEs u l-intraprendituri żgħażagħ fiż-żoni rurali u remoti huma kruċjali għal soċjetà diġitali inklużiva, speċjalment fejn l-aċċess għas-servizzi elettroniċi joħloq ostakli diġitali għall-anzjani, il-gruppi żvantaġġati u dawk bi dħul baxx. Iridu jiġu indirizzati wkoll il-problemi attwali ta’ aċċess.

1.10

L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jisfruttaw b’kull mod l-iżvilupp tas-servizzi elettroniċi fis-settur pubbliku u privat biex jitjiebu s-servizzi lokali u reġjonali fis-saħħa, l-edukazzjoni, is-servizzi tal-emerġenza u s-sigurtà u ta’ interess ġenerali iktar wiesa’ u s-servizzi soċjali.

2.   Sfond/Kuntest ġenerali

2.1

L-internet sar waħda mill-aktar infrastrutturi strateġikament importanti tas-seklu 21 u huwa obbligu ċentrali għat-tisħiħ mill-UE tas-servizz universali previst fit-Trattat ta’ Lisbona. Madankollu, fiż-żoni rurali u remoti, is-sitwazzjoni ftit li xejn għadha tjiebet u ma tantx nistgħu nitkellmu dwar suq Ewropew tas-servizzi elettroniċi (1). Peress li s-settur privat ma jidhirx interessat li jissodisfa t-talba għas-servizzi u peress li l-gvernijiet waħedhom mhumiex kapaċi jlaħħqu ma’ din l-isfida, soluzzjoni adatta tkun li ż-żewġ partijiet (pubbliku u privat) jipparteċipaw fil-qsim tal-benefiċċji u r-riskji permezz ta’ PPP f’dan il-qasam. L-involviment attiv u r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fil-PPP fit-tnedija tas-servizzi-e jistgħu jaqdu funzjoni kruċjali f’dan il-proċess.

2.2

Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha l-għan li tistudja din il-kwistjoni u tippromovi d-dibattitu dwar is-sejba ta’ soluzzjonijiet sostenibbli biex is-servizzi elettroniċi jitwasslu kullimkien u lil kulħadd fl-Ewropa, partikolarment fl-anqas żoni aċċessibbli u lill-aktar gruppi vulnerabbli.

2.3

F’dan il-kuntest, l-objettivi ġenerali ta’ din l-opinjoni huma dawn li ġejjin:

analiżi, bl-assistenza tal-KESE u l-organizzazzjonijiet ta’ interess pubbliku u privat, ta’ kif il-PPPs jistgħu jiġu adottati għall-promozzjoni tas-servizzi elettroniċi għal kulħadd, b’mod partikolari l-individwi, in-negozji u l-gvernijiet reġjonali jew lokali;

indikazzjoni tal-potenzjal għal inklużjoni soċjali ikbar ta’ gruppi vulnerabbli u għall integrazzjoni ekonomika taż-żoni remoti permezz ta’ applikazzjoni sostenibbli u effiċjenti tal-PPPs għat-twassil tas-servizzi elettroniċi fl-Ewropa (2);

assistenza lill-istituzzjonijiet tal-UE u dawk li jifformaw il-politiki, kif ukoll il-pubbliku interessat u l-atturi privati li jixtiequ jidħlu f’PPP fil-qasam tas-servizzi elettroniċi, billi jiġu identifikati l-problemi u fejn possibbli s-soluzzjonijiet, billi jwettqu analiżi tal-impatt tad-domanda u l-offerta tas-servizzi-e b’rabta mal-bżonnijiet tas-soċjetà ċivili, biex jesploraw il-ħtiġijiet ta’ impjiegi u ħiliet rilevanti, kif ukoll politiki u prattiki ta’ programmi tajbin fil-livell tal-UE li jistgħu jiġu trasferiti għal-livell nazzjonali u reġjonali.

2.4

L-ICT qed jolqtu l-parti l-kbira tal-aspetti ta’ ħajjitna. Hekk kif id-differenzi bejn it-telefown, l-internet, ix-xandir televiżiv, iċ-ċellulari u servizzi essenzjali tal-komunikazzjoni oħra jiddgħajfu, hekk ukoll qed tiddgħajjef id-differenza bejn is-setturi industrijali u dawk pubbliċi u bejn il-politika tal-UE u dik nazzjonali. Filfatt ħafna politiki nazzjonali u reġjonali ma kinux kapaċi joffru aċċess globali għal dawn is-servizzi b’mod effikaċi għal kulħadd.

2.5

F’dan il-kuntest, Neelie Kroes, il-Kummissarju l-ġdid għall-Aġenda Diġitali nediet dibattitu dwar konsultazzjoni pubblika “biex tara jekk għandniex bżonn naġġornaw ir-regoli biex niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE u n-negozji jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ komunikazzjoni essenzjali, fosthom l-internet veloċi. Irridu nkunu żguri li ħadd ma jispiċċa barra mis-soċjetà diġitali.” Barra minn hekk il-Komunikazzjoni reċenti “Ewropa 2020” tikkonferma l-għan li jitwasslu benefiċċji ekonomiċi u soċjali sostenibbli minn Suq Uniku Diġitali permezz tal-internet b’veloċità qawwija u qawwija ħafna u applikazzjonijiet interoperabbli, b’aċċess għall-broadband għal kulħadd sal-2013.

2.6

L-Istrateġija ta’ Lisbona kienet diġà identifikat il-fatt li neħtieġu aċċess għal faċilitajiet diġitali moderni (pereżempju l-internet, il-GPS) u ’l hekk imsejħa servizzi elettroniċi. Fid-dawl ta’ dan, il-modernizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi trid tinkludi:

provvista ta’ servizzi ta’ kwalità aħjar u aktar siguri lill-popolazzjoni ġenerali;

risposta lit-talbiet tan-negozji, b’mod partikolari l-SMEs, li għandhom bżonn anqas burokrazija u aktar effiċjenza;

assigurazzjoni tal-kontinwità transkonfinali tas-servizzi ta’ interess ġenerali (fosthom il-protezzjoni ċivili), li huma importanti ferm biex tinżamm il-mobbiltà fl-Ewropa u l-koeżjoni soċjali fl-Istati Membri.

2.7

Il-qafas regolatorju attwali tal-UE (taħt id-Direttiva Servizz Universali (3) tal-2002) jirrikjedi lill-Istati Membri li jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jista’ jkollhom konnessjoni man-netwerk pubbliku tat-telefown f’lokalità fissa u aċċess għas-servizzi pubbliċi tat-telefown għall-komunikazzjoni bil-vuċi u tad-data li għandhom aċċess funzjonali għall-internetIl-konsumaturi għandu jkollhom aċċess għas-servizzi tad-direttorji u għad-direttorji, it-telefowns pubbliċi bi ħlas u għal miżuri speċjali jekk għandhom diżabbiltà.

2.8

Barra minn hekk, Komunikazzjoni reċenti tal-KE identifikat il-PPPs bħala waħda mill-għażliet fil-każ tal-“aċċellerazzjoni” tal-użu tal-internet fl-Ewropa u t-twassil tas-servizzi elettroniċi liċ-ċittadini tal-UE. Il-PPPs jidhru li jippermettu liċ-ċittadini Ewropej li jużaw aħjar it-teknoloġiji magħrufin u dawk li qed joħorġu issa b’approċċ aktar globali. Barra minn hekk, il-PPPs jistgħu jgħinu wkoll biex jinkixfu l-ostakli li jinħolqu minn affarijiet li mhumiex tekniċi u jimbuttaw għal strateġija li tindirizzahom (4). It-terminu PPP jkopri għadd kbir ta’ sitwazzjonijiet u għaldaqstant jeżistu diversi definizzjonijiet fil-letteratura, bħal-linji gwida tan-Nazzjonijiet Uniti (5) jew il-prattiki tal-BEI.

2.9

Il-KE għamlet sensiela ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi bl-involviment tal-KESE dwar suġġetti bħal:

Aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA);

It-trasformazzjoni tal-opportunità tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku fl-Ewropa;

Il-prinċipji tas-Servizz Universali fil-komunikazzjonijiet elettroniċi.

2.10

Il-Komunikazzjoni tal-KE COM (2009) 479 finali, dwar “Sħubija pubblika-privata dwar Il-Ġejjieni tal-Internet”, tfittex li tipprovdi qafas li fih jistgħu jsiru t-tħejjijiet għal soċjetà “intelliġenti” u biex tiżdied il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-ICT. It-tħejjija għat-tnedija tal-inizjattiva tal-PPPs dwar l-Internet tal-Ġejjieni, kif promoss minn xi Stati Membri u atturi industrijali, ser teħtieġ involviment ikbar tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet reġjonali.

3.   Kummenti ġenerali: Il-PPPs u t-twassil tas-servizzi elettroniċi

3.1

Hekk kif fis-soċjetà tagħna jiġu garantiti l-provvista u l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-moviment u l-awtoritajiet pubbliċi, huwa importanti li nidentifikaw u nadottaw l-aktar soluzzjonijiet sostenibbli u l-aktar politiki effettivi li jiggarantixxu trattament ugwali għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE fis-soċjetà tal-informazzjoni, l-aktar fiż-żoni rurali u remoti tal-UE.

3.2

Madankollu, s’issa dan ma ntlaħaqx kullimkien fl-UE u għad hemm żoni ġeografiċi u gruppi soċjali f’riskju tal-esklużjoni diġitali. L-esklużjoni diġitali tista’ tkun marbuta ma’ fatturi demografiċi (l-età, is-sess, it-tip ta’ familja), soċjoekonomiċi (l-edukazzjoni, l-impjieg, l-istatus, id-dħul) jew ġeografiċi (bħat-tip ta’ dar, il-lokalità, karatteristiċi reġjonali jew lokali partikolari, fatturi ġeopolitiċi, eċċ.). Ir-raġunijiet tal-falliment tas-suq fis-servizzi-e jiddependu mill-każ u jistgħu jinkludu pajsaġġ sfavorevoli, popolazzjoni baxxa, sistema ta’ tassazzjoni għolja jew dawn kollha flimkien. Peress li ħafna drabi t-talba u t-tranżazzjonijiet ma jkunux biżżejjed f’dawn iż-żoni, l-operaturi privati spiss jiddeċiedu li ma jinvestux.

3.3

Madankollu, m’għandhiex tingħata attenzjoni esklużiva lill-esklużjoni ġeografika iżda għandha tiġi kkunsidrata wkoll l-esklużjoni soċjali li tmur id f’id mal-poter tal-akkwist jew il-kompetenzi limitati ta’ ċerti gruppi ta’ utenti (6). Għalhekk, is-servizzi elettroniċi għandhom jiġu estiżi biex jiżguraw l-aċċess lill-utenti kollha, irrispettivament mis-sitwazzjoni ġeografika, finanzjarja jew soċjali tagħhom.

3.4

Hemm bżonn ta’ sforz straordinarju ta’ politika u miżuri għat-trasferiment tar-riżultati lill-gruppi vulnerabbli u fuq kollox liż-żoni mhux urbani.

3.5

Il-KESE ddedika diversi opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet ewlenin lil suġġetti varji marbutin mas-servizzi elettroniċi, l-interoperabbiltà tagħhom u l-infrastrutturi tal-ICT (7).

3.6

Il-KESE jemmen li l-PPPs jistgħu jkunu mezz biex jitwasslu s-servizzi elettroniċi fl-UE - dan huwa qasam promettenti ġdid b’aspetti kritiċi tal-operat.

3.7

L-analiżi wriet li fost l-argumenti ewlenin favur dan l-approċċ hemm:

titjib fil-kwalità tas-servizzi elettroniċi għal gruppi vulnerabbli;

titjib fil-kosteffettività, permezz tal-innovazzjoni, l-esperjenza u l-flessibbiltà tas-settur privat;

żjieda fl-investiment fl-infrastruttura pubblika biex testendi t-twassil tas-servizzi elettroniċi;

sostenibbiltà ta’ flessibbiltà akbar u l-aċċess għar-riżorsi tal-imsieħba privati;

titjib fil-kwalità tan-nefqa pubblika;

gwadann fl-effiċjenza u konverġenza tas-servizzi ta’ interess ġenerali.

3.8

Barra minn hekk, l-investiment urġenti fi proġetti ta’ infrastruttura huwa mezz importanti biex tinżamm l-attività ekonomika, b’mod partikolari fiż-żminijiet ta’ kriżi li ninsabu fihom, u jista’ jikkontribwixxi lejn ritorn mgħaġġel għal tkabbir ekonomiku sostnut. F’dan il-kuntest, il-PPPs jistgħu joffru mezzi għat-twassil ta’ proġetti ta’ infrastruttura, servizzi ta’ interess ġenerali u servizzi ta’ appoġġ għan-negozji li jiggarantixxu l-iżvilupp lokali u l-irkupru ekonomiku f’xi reġjuni tal-UE (8).

3.9

Jeżistu wkoll riskji fir-rigward tal-PPP għas-servizzi-e. Wieħed minnhom huwa r-riskju li ż-żoni remoti ma jiġux koperti, peress li ħafna drabi dawn jinvolvu telf għall-provvedituri privati tas-servizzi. Għaldaqstant, il-PPP kollha għandhom jinkludu obbligu li jipprovdu dawn is-servizzi wkoll liż-żoni remoti.

4.   Kwistjonijiet kritiċi fl-iżvilupp tas-servizzi elettroniċi

4.1

F’din l-opinjoni qed nindirizzaw ukoll l-iżvilupp tas-servizzi elettroniċi, li bih qed infissru t-tixrid tal-faċilitajiet u l-provvista ta’ aċċess ugwali madwar l-UE. Dan jinkludi jew il-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida “intelliġenti” fejn hemm bżonn, jew it-titjib ta’ dik attwali. Din il-kwistjoni tqajjem xi punti kritiċi dwar:

Effiċjenza Il-fatt li tkun teżisti infrastruttura mhux dejjem ifisser li taħdem b’mod effiċjenti jew li hija aċċessibbli bl-istess mod għall-gruppi soċjali xierqa. L-aktar eżempju reċenti huwa pprovdut mill-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar kemm nies jafu bin-numru tal-emerġenza 112. Għalkemm is-servizz diġà jeżisti u jaħdem f’għoxrin pajjiż tal-UE, il-perċentwali tan-nies li jafu bih huwa baxx ħafna, 32 % ta’ dawk intervistati (9). It-titjib jista’ jinkiseb billi ċ-ċittadini jiġu informati aħjar u billi t-teknoloġiji tat-tagħlim elettroniku jiġu applikati aħjar.

Żoni rurali. Għad hemm differenzi kbar madwar l-UE rigward l-aċċess għas-servizzi elettroniċi (10). Iż-żoni rurali għadhom ibatu minn nuqqas ta’ aċċess għall-ICT, 23 % tan-nies f’dawn iż-żoni m’għandhomx aċċess għan-netwerks tal-broadband fiss (11).

4.2

F’approċċ li huwa verament dak ta’ “suq miftuħ”, il-PPP għandha titnieda mill-bidu nett bil-parteċipazzjoni effettiva tal-livelli kollha tal-awtoritajiet tal-UE/nazzjonali/reġjonali, l-imsieħba soċjali, l-atturi tas-soċjetà ċivili organizzata, l-organizzazzjonijiet tal-SMEs, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u partijiet interessati aktar mifruxa (operaturi, bejjiegħa, fornituri tal-IT, swieq vertikali u dawk tal-applikazzjoni, eċċ.).

4.3

Bidu adatt jista’ jkun il-Fondi Strutturali tal-UE, il-BEI/FEI u ċerti programmi speċifiċi bħall-mekkaniżmi attwali tal-Programmi Qafas fil-Programmi ta’ ħidma dwar l-ICT tal-ġejjieni (għall-2011-2013), b’baġit ta’ madwar EUR 300 miljun.

4.4

F’dan il-kuntest, il-PPPs jistgħu jibbenefikaw mill-ħidma tal-ħames “Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija” (ETPs), bl-iskambji dwar il-kwistjonijiet relatati mal-internet u r-Riċerka Strateġika rispettiva tagħhom. Karatteristika essenzjali ta’ PPP ta’ dat-tip hija li jinfetħu pjattaformi ta’ servizz miftuħin, standardizzati u transsettorjali.

4.5

Mill-perspettiva tal-politika Ewropea, setturi bħall-kura tas-saħħa, il-mobbiltà, l-ambjent u l-ġestjoni tal-enerġija huma kandidati ewlenin li jibbenefikaw minn infrastrutturi ġodda “intelliġenti” li jaħdmu bl-internet, li jiffaċilitaw l-aċċess rapidu tas-servizzi u l-adozzjoni tagħhom minn miljuni ta’ utenti u klijenti.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Sħubija pubblika-privata dwar l-Internet tal-Ġejjieni - COM(2009) 479 finali.

(2)  Il-problema ewlenija tas-servizzi elettroniċi fl-UE hija li m’hemmx definizzjoni waħda komuni. Is-soltu, b’servizzi elettroniċi, wieħed jifhem is-sens dejjaq tal-ICT (Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni), fosthom servizzi bħall-gvern-e, negozju-e, saħħa-e, informazzjoni tas-settur pubbliku, tagħlim-e, inklużjoni-e, u akkwist pubbliku-e.

(3)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51-77

(4)  White Paper dwar id-definizzjoni tal-PPP tal-ġejjieni tal-internet, Jannar 2010.

(5)  Guide book on promoting good governance in Public-Private Partnership (Gwida dwar il-promozzjoni tal-governanza tajba fis-Sħubija Pubblika-Privata) – Nazzjonijiet Uniti, New York u Ġinevra, 2008.

(6)  ĠU C 139, 11.5.2001, p. 15; ĠU C 123, 25.4.2001, p. 53; ĠU C 108, 30.4.2004, p. 86.

(7)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 60; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 92; ĠU C 175, 28.7.2009, p.8; ĠU C 317, 23.12.2009, p. 84; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 36; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50; Opinjoni tal-KESE dwar It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku, is-Sinjura Darmanin (TEN/417).

(8)  COM(2009) 615 finali, Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati.

(9)  Flash Eurobarometer 285 – The European Emergency Number 112, Analytic Report (In-numru ta’ emerġenza Ewropew 112, Rapport analitiku), Wave 3, Frar 2010.

(10)  Telecoms: konsultazzjoni dwar is-servizz universali tal-ġejjieni fl-era diġitali, IP/10/218, Brussell, 2.3.2010 (ara http://ec.europa.eu/information_society/policy/ecomm/doc/library/public_consult/universal_service2010/index_en.htm).

(11)  COM(2009) 103 finali. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Aċċess aħjar għaż-żoni rurali għat-teknoloġija moderna tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/77


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Liema servizzi ta’ interess ġenerali għandna bżonn sabiex nikkumbattu l-kriżi?” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/14

Relatur: is-Sur HENCKS

Nhar it-18 ta’ Marzu 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Liema servizzi ta’ interess ġenerali għandna bżonn sabiex nikkumbattu l-kriżi?

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura, u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’119-il vot favur, 11-il vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Daħla

1.1

Il-kriżi finanzjarja u ekonomika reċenti, anke jekk laqtet lill-Istati Membri b’livelli differenti ħafna, ser tħalli effetti fit-tul fuq is-soċjetà, bħal żjieda fil-qgħad, il-prekarjetà, l-esklużjoni, il-faqar, li llum jolqtu lil ċittadin Ewropew minn sitta.

1.2

Kważi 80 miljun persuna, jiġifieri 16 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea, jgħixu taħt il-livell ta’ riskju ta’ faqar u jiffaċċjaw diffikultajiet serji biex isibu impjieg, jiksbu akkomodazzjoni jew benefiċċji u jkollhom aċċess għal servizzi essenzjali, b’mod partikulari dawk tas-saħħa u s-servizzi soċjali. Il-gruppi żvantaġġati (persuni b’diżabilità, immigranti) qed jintlaqtu, u ser jibqgħu jintlaqtu, b’mod sever, partikolarment minħabba d-dubji li jintefgħu fuq l-iżviluppi fil-qasam tal-integrazzjoni soċjali u tal-impjieg, li nkisbu matul l-aħħar għoxrin sena.

1.3

Iż-żjieda fil-vjolenza, il-problemi fil-periferiji urbani, iż-żjieda fid-delinkwenza u l-inkwiet ċivili kif ukoll ċertu tnaqqis tal-ispirtu ta’ solidarjetà huma indikaturi addizzjonali tal-fatt li l-kriżi finanzjarja u ekonomika saret kriżi soċjali.

1.4

L-irkupru ekonomiku bil-mod mhux biżżejjed biex titnaqqas din il-kriżi soċjali. Agħar minn hekk, fid-dawl tal-esperjenzi tal-kriżijiet preċedenti (1993-1996 u 2002-2004), hemm probabbiltà li l-konsegwenzi soċjali jibqgħu jinħassu ħafna aktar wara li l-ekonomija tirkupra.

1.5

Iż-żjieda fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali ser iwasslu għal domanda dejjem akbar tas-servizzi soċjali, b’mod partikulari fl-oqsma tas-saħħa, tad-djar, tal-edukazzjoni, tal-enerġija, tat-trasport u tal-mezzi tal-komunikazzjoni.

2.   Ir-rwol tas-servizzi ta’ interess ġenerali fi żmien ta’ kriżi

2.1

Din il-kriżi kkonfermat li l-eżistenza ta’ servizzi ta’ interess ġenerali (SIĠ) moderni u effikaċi hija fattur li tistabbilixxi l-ekonomija, b’aktar minn 500 000 intrapriża (pubbliċi, privati u mħalltin) li joffru servizzi ta’ interess ġenerali, li jirrappreżentaw 64 miljun impjegat (aktar minn 30 % tal-impjiegi fl-UE) u aktar minn 26 % tal-PDG tal-Unjoni (Studju dwar “Mapping of the public services” ippubblikat miċ-Ċentru Ewropew ta’ Dawk li Jħaddmu u l-Intrapriżi li jipprovdu servizz pubbliku, f’Mejju 2010).

2.2

Is-servizzi ta’ interess ġenerali jistgħu wkoll itaffu l-aktar konsegwenzi soċjali, territorjali u ambjentali negattivi, jekk ikunu bbażati fuq objettivi li jiggarantixxu li kulħadd ikollu aċċess għal oġġetti u servizzi essenzjali u għad-drittijiet fundamentali. Huma element kruċjali għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u tal-iżvilupp sostenibbli.

2.3

Matul is-snin, fil-kuntest tal-kostruzzjoni Ewropea u f’isem l-interess komuni jew ġenerali, u b’varjetà kbira f’termini ta’ forom u strutturi ta’ organizzazzjoni, l-Istati Membri ppromulgaw regoli partikolari għas-servizzi ta’ interess ġenerali, komplementari għal-liġi tal-UE tal-kompetizzjoni u tas-suq, suxxettibbli li jerġgħu jitfissru jew riveduti b’mod regolari, partikularment fil-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona.

2.4

B’konformità mar-rwol tagħhom bħala pilastru tal-mudell soċjali Ewropew u l-ekonomija soċjali tas-suq, is-servizzi ta’ interess ġenerali għandhom, permezz tal-interazzjoni u l-integrazzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali:

jiggarantixxu d-dritt lil kull abitant li jkollu aċċess għal oġġetti u servizzi fundamentali;

jassiguraw il-koeżjoni ekonomika, soċjali, territorjali u kulturali;

jissalvagwardjaw il-ġustizzja u l-inklużjoni soċjali, jibnu solidarjetà bejn it-territorji, ġenerazzjonijiet u/jew kategoriji soċjali, jippromovu l-interess ġenerali tal-komunità;

jiggarantixxu li ċ-ċittadini u l-abitanti kollha jiġu ttrattati l-istess;

joħolqu l-kondizzjonijiet għal żvilupp sostenibbli.

2.5

Il-kriżi enfasizzat il-fatt li l-mekkaniżmi tas-suq waħedhom mhumiex kapaċi jiggarantixxu aċċess universali liċ-ċittadini kollha għal dawn id-drittijiet, li jfisser li l-intervent pubbliku llum mhux biss hu aċċettat minn kulħadd, imma huwa rakkomandat fil-livell internazzjonali.

3.   Riskju ta' tnaqqis baġitarju fi żmien ta’ kriżi

3.1

Wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika, ċerti Stati Membri bilkemm jistgħu jibbilanċaw il-baġits tagħhom, u dan joħloq ir-riskju li jinxteħet dubju fuq il-kapaċità tagħhom li jwettqu l-missjonijiet tagħhom ta’ interess ġenerali.

3.2

Il-baġits allokati mill-Istati Membri għas-servizzi ta’ interess ġenerali għalhekk jinsabu taħt pressjoni qawwija minkejja li l-kapaċità ta’ kull Stat Membru biex jirrispondi għad-domanda dejjem tikber tas-SIĠ tvarja ħafna.

3.3

Dawn ir-restrizzjonijiet baġitarji għandhom riskju li jwasslu għal tnaqqis fil-benefiċċji soċjali, fl-iskemi ta’ protezzjoni soċjali u fis-sussidji b’konsegwenzi severi għall-aktar persuni vulnerabbli, għad-detriment tal-progress imwettaq s’issa biex jitnaqqsu l-faqar u l-inugwaljanzi u titjieb il-koeżjoni soċjali.

3.4

Jidher essenzjali li l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar il-ħtiġijiet finanzjarji, mhux biss għal perijodu qasir u li jiffoka fuq il-kompetizzjoni (għajnuna tal-Istat), iżda bil-għan li tiżgura l-vijabbiltà finanzjarja tas-SIĠ u li dawn jilħqu l-iskop tagħhom, hekk kif jirrikjedi t-Trattat ta’ Lisbona.

3.5

Huwa importanti għalhekk li l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, jerġgħu jaġġustaw il-baġits tagħhom sabiex iżommu jew jestendu s-servizzi tagħhom ta’ interess ġenerali bil-għan li jiffaċċjaw b’mod effiċjenti l-isfidi li jitqajmu mill-kriżi soċjali.

3.6

Il-KESE japprova l-fatt li l-Kummissjoni appoġġjat l-istrateġiji ta’ taħriġ tal-Istati Membri billi llaxkat ir-regoli ta’ kofinanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew. Il-fondi ta’ koeżjoni soċjali għandhom jintużaw ħafna aktar biex titjieb id-dimensjoni soċjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u jiġu stabilizzati l-ekonomiji.

4.   Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea

4.1

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u kif jippreċiża ħafna t-Trattat ta’ Lisbona, kull Stat Membru għandu jibqa’ ħieles li jiddefinixxi, jorganizza u jiffinanzja s-servizzi li jirrispondu għal interess ġenerali u jissodisfaw il-bżonnijiet fundamentali, b’referenza għal azzjoni soċjali u ċivika.

4.2

Is-servizzi kollha ta’ interess ġenerali, kemm dawk ekonomiċi kif ukoll dawk li mhumiex, minħabba l-istess natura u missjoni tagħhom, jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Unjoni Ewropea, partikularment it-titjib kontinwu tal-benesseri taċ-ċittadini, il-garanzija ta’ drittijiethom u l-kondizzjonijiet biex dawn jiġu eżerċitati.

4.3

Għaldaqstant l-Unjoni, li hi responsabbli biex jintlaħqu dawn l-objettivi, għandha wkoll responsabbiltajiet lejn l-istrumenti li jintużaw għal dan il-għan.

4.4

Għalhekk, l-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi biex tiggarantixxi, fir-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, u fil-kuntest ta’ kompetenza kondiviża mal-Istati Membri, l-eżistenza ta’ SIĠ effettivi u aċċessibbli, bi prezz li jilħqu kulħadd u ta’ kwalità tajba għal kulħadd.

4.5

Il-fatt li huma l-Istati Membri li, fil-prinċipju, għandhom il-kompetenza li jiddefinixxu s-SIĠ ma jneħħi xejn mill-kompetenzi tal-UE li tiddefinixxi, fil-livell tagħha, is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kull meta dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni.

4.6

Għalhekk, f’diversi opinjonijiet, il-KESE saħaq sabiex l-istituzzjonijiet Komunitarji, mingħajr preġudizzju lejn l-istatut tal-operaturi, jagħrfu l-eżistenza u l-ħtieġa għal servizzi Komunitarji ta’ interess ġenerali fl-oqsma fejn l-azzjoni tal-UE hija aktar effettiva biex tilħaq l-għanijiet tagħha mill-azzjoni ta’ kull Stat Membru li jkun qed jaġixxi b’mod individwali. B’mod partikulari f’dan il-kuntest, il-KESE kien ippropona li għandhom isiru studji dwar kemm hu possibbli li jitwaqqaf SIĠ Ewropew għall-enerġija.

5.   Obbligi tas-servizz pubbliku u s-servizz universali

5.1

Għalkemm l-aċċess għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għandu jkun parzjalment assigurat mill-forzi tas-suq u mill-kompetizzjoni ħielsa, l-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jimponi li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżguraw, kull wieħed fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu, li dawn is-servizzi jaħdmu b’mod li jkun konsistenti mal-iskop tagħhom.

5.2

Għaldaqstant, biex jiġi evitat li s-sempliċi applikazzjoni tar-regoli tas-suq ma twassalx lill-operaturi biex jiffukaw biss fuq is-servizzi li jħallu qliegħ għad-detriment ta’ dawk li ftit idaħħlu flus, fuq iż-żoni b’popolazzjoni għolja għad-detriment taż-żoni iżolati jew żvantaġġati, fuq il-konsumaturi l-aktar sinjura għad-detriment tal-ugwaljanza tat-trattament, inħolqu żewġ kunċetti ġodda fil-livell tal-UE matul il-liberalizzazzjoni tal-industriji tan-netwerks (telekomunikazzjoni, enerġija, trasport, posta): dak tal-obbligi tas-servizz pubbliku u dak tas-servizz universali.

5.3

Dawn iż-żewġ kunċetti huma kumplementari fis-sens li jfittxu li joffru lill-utenti tas-servizzi għadd ta’ garanziji: pakkett ta’ servizzi ta’ kwalità għolja li jkun ftit jew wisq mifrux mat-territorju kollu tal-UE bi prezz li jilħqu kulħadd, fis-setturi li ġew definiti bħala servizz universali (telekomunikazzjoni, posta, elettriku); għall-obbligi tas-servizz pubbliku, xi aspetti speċifiċi li l-UE jew l-Istati Membri jistgħu jiggarantixxu u li mhux biss jirrigwardaw is-servizzi lill-utenti (fosthom il-ħarsien tal-konsumaturi), iżda wkoll kwistjonijiet ta’ sigurtà, inklużi l-provvista, l-indipendenza tal-UE, il-programmazzjoni tal-investimenti fit-tul, il-ħarsien tal-ambjent, eċċ.. Fiż-żewġ każi, huwa possibbli li ssir deroga fuq ir-regoli tal-kompetizzjoni, jekk l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tkun ta’ ħsara għas-servizzi msemmija.

5.4

Dan il-kunċett ta’ aċċess universali b’kondizzjonijiet aċċessibbli għandu jifforma sett ta’ regoli komuni għas-servizzi kollha ta’ interess ġenerali fl-Unjoni Ewropea biex b’hekk ikunu l-obbligi minimi li jridu jiġu rrispettati mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali, li m’għandhomx jillimitaw il-missjonijiet tagħhom ta’ interess ġenerali, iżda jiżviluppawhom waqt li jagħtu prijorità lill-finanzjament tagħhom.

5.5

Għalhekk il-kunċett tal-aċċess universali ma jżommx lill-Istati Membri milli jiggarantixxu, anke lil hinn mill-istandards minimi, il-provvista ta’ tipi oħra ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, b’mod partikulari fil-qasam tal-obbligi tas-servizz pubbliku.

6.   Miżuri li għandhom jiġu adottati

6.1

Bit-Trattat ta’ Lisbona, l-UE saħqet fuq l-importanza tad-drittijiet fundamentali u l-garanzija li jitħaddmu, b’mod li jiffurmaw sett ta’ prinċipji komuni għal regolament aktar soċjàli permezz tal-applikazzjoni konkreta tad-drittijiet kollha (u mhux biss tal-aċċess għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali) li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tagħti liċ-ċittadini Ewropej kollha.

6.2

Id-dritt għall-aċċess universali tas-servizzi ta’ interess ġenerali m’għandux jibqa’ limitat biss għal dawk li jipprovdu l-industriji tan-netwerks, iżda għandu jkopri wkoll dak kollu li hu meħtieġ għal ħajja deċenti, għall-integrazzjoni soċjali u għall-garanzija tad-drittijiet fundamentali.

6.3

Għalhekk, fuq naħa, hemm bżonn li jiġi studjat jekk, fil-kuntest tal-kriżi attwali u fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi adottat approċċ sostenibbli, id-dispożizzjonijiet attwalment fis-seħħ (fis-settur tat-telekomunikazzjoni, posta, elettriku) humiex biżżejjed biex jiġu evitati t-tnaqqis tal-kwalità tas-servizzi offruti u l-iżvilupp ta’ fenomeni ta’ esklużjoni, ta’ diviżjoni soċjali u ta’ faqar, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra, jekk hemmx bżonn li oqsma oħra jridu jiġu koperti minn “livell għoli f’ termini ta’ kwalità, sigurtà u affordability, it-trattament indaqs u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u tad-drittijiet tal-utenti”, definiti bħala prinċipji Komunitarji mill-Protokoll Nru. 26, anness mat-Trattat ta’ Lisbona.

6.4

M’hemmx dubju li ċ-ċittadini jaspiraw li jkollhom aktar sigurtà tul il-karriera professjonali tagħhom u quddiem ir-riskju tal-qgħad u l-faqar; aktar ugwaljanza fl-aċċess għall-edukazzjoni, it-taħriġ tul il-ħajja, is-servizzi soċjali u ħarsien aħjar tal-bilanċi ekoloġiċi kbar għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

6.5

Għaldaqstant, id-dritt universali jista’ jkopri l-aċċess għal:

kont bankarju u l-faċilitajiet biex wieħed iħallas;

krediti raġonevoli, permezz ta’ mikrokrediti jew garanziji statali;

akkomodazzjoni deċenti;

assistenza d-dar;

mobbiltà;

servizzi soċjali;

miżuri speċifiċi għall-persuni b’diżabilità eċċ.;

aċċess għall-enerġija;

aċċess sigur għas-servizzi diġitali.

6.6

L-attwalità tal-kriżi, flimkien mal-ħtieġa li jinstabu l-aktar mezzi effettivi biex noħorġu minnha, u l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona (Artikolu 14 tat-TFUE, Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Protokoll Nru. 26), għandhom iwasslu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jeżaminaw mill-ġdid, jevalwaw u jaġġornaw il-post u r-rwol tas-servizzi ta’ interess ġenerali f’dan il-kuntest.

6.7

Il-KESE jipproponi li titnieda diskussjoni mal-partijiet interessati kollha u mas-soċjetà ċivili dwar l-utilità potenzjali tal-“obbiligi tas-servizz pubbliku” l-ġodda, jew is-servizzi ġodda ta’ interess ġenerali biex tiġi ffaċċjata l-kriżi u biex jikkoordinaw u joħolqu sinerġiji bejn it-tliet aspetti tal-koeżjoni, dik ekonomika, dik soċjali u dik territorjali, peress li s’issa ftit kien hemm koordinazzjoni, u biex tirrakkomanda miżuri li jwasslu għal żvilupp ibbilanċjat.

6.8

B’dawn l-ideat, il-KESE jisħaq favur rapport dwar “Il-promozzjoni tal-aċċess universali għad-drittijiet Komunitarji u tas-SIĠ” u għal definizzjoni tal-objettivi ġodda li dawn is-servizzi jistgħu jingħataw bħala parti mill-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u b’mod aktar ġenerali tal-Istrateġija UE 2020, kif ukoll għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbbli u ta’ ekonomija ekoloġika.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/81


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika l-ġdida tal-UE dwar l-enerġija: applikazzjoni, effikaċja u solidarjetà” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/15

Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar it-18 ta' Marzu 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-politika l-ġdida tal-UE dwar l-enerġija: applikazzjoni, effikaċja u solidarjetà

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (seduta tas-16 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’44 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Jeħtieġ li jissaħħu l-aspetti kollha tal-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija fir-rigward tal-infrastruttura, is-sistema tal-akkwist pubbliku, il-funzjonament tajjeb tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-KESE jenfasizza li l-kwistjoni bażika hija l-bżonn li jiġu żviluppati infrastruttura tal-enerġija u n-netwerks trans-Ewropej bil-għan li jiġi stabbilit is-suq intern tal-enerġija.

B’mod aktar speċifiku, jeħtieġ li jiġu implimentati mekkaniżmi biex jiġu identifikati l-kriterji dwar kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet biex jiġu evitati differenzi serji u mhux ġustifikati, li sikwit ikunu bbażati, b’mod skorrett, fuq it-tip tal-enerġija użata, is-sorsi tal-provvista jew il-faċilitajiet ta' distribuzzjoni.

Bl-istess mod, għandhom jinħolqu kriterji u metodi għar-razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija fl-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-użu sostenibbli tar-riżorsi u jkunu bbażati fuq aspetti ġeografiċi u klimatiċi, bħal pereżempju l-identifikazzjoni tal-ogħla perijodi ta' attività għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fotovoltajka, mir-riħ jew mill-marea.

1.1.1   Swieq tal-enerġija li jaħdmu tajjeb jeħtieġu trasparenza sabiex min jidħol ġdid fihom ikollu aċċess għan-netwerks tal-enerġija u l-konsumaturi. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet għandhom jevitaw imġiba li teskludi, l-isfruttament bla rażan u l-kollużjoni kummerċjali. Għaldaqstant, il-politika ta' kompetizzjoni għandha timmira li ttejjeb il-kundizzjonijiet għall-konsumatur u tiżgura l-benesseri tiegħu filwaqt li tikkunsidra fatturi speċifiċi bħall-bżonn li jiġu ggarantiti s-sigurtà tal-provvista, it-trasport tal-enerġija u d-distribuzzjoni finali. Il-KESE jirreferi għall-opinjoni tiegħu dwar is-servizzi universali u s-servizzi ta' interess ġenerali, fejn diġà ħa pożizzjoni stretta dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, u enfasizza l-bżonn ta' definizzjoni ċara tal-kunċett ta' servizz universali u l-bżonn li jiġu stabbiliti regoli komuni dwar il-provvista tas-servizzi ta' interess ġenerali.

1.1.2   Fir-rigward tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti, l-awtoritajiet kontraenti m’għandhomx jitħallew jabbużaw il-prerogattivi tagħhom billi jduru għal interpretazzjonijiet preġudikati tad-drittijiet sovrani previsti fl-Artikolu 194(2) tat-TFUE (1) huma u jiddeterminaw il-kundizzjonijiet onerużi jew diskriminatorji għall-aċċess għan-netwerks tat-trasport tal-gass naturali (2) jew għall-aċċess għan-netwerk ta' kummerċ transkonfinali tal-elettriku (3). Fil-qosor, l-UE għandha tieħu l-ikbar impenn istituzzjonali possibbli biex issaħħaħ u ttejjeb il-proċeduri li jiggarantixxu t-trasparenza tal-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku li jħallsu l-utenti industrijali finali (4).

1.1.3   F’dan il-kuntest, x’aktarx jerġa’ jiġi definit ir-rwol tas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali fis-suq intern. Fid-dawl tat-Trattat ta' Lisbona, dawn is-servizzi għandhom iwettqu b’mod aktar effettiv il-kompiti li jistgħu jiġu allokati lilhom mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali (5). Dan japplika b’mod partikolari għall-qasam tal-enerġija minħabba r-rwol ewlieni tas-servizzi provduti minn industriji ewlenin li jużaw netwerk.

1.1.4   Għaldaqstant, hemm bżonn li tingħata attenzjoni partikolari huwa u jiġi stabbilit qafas legali li jibbilanċja d-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali (ara Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 anness mat-TUE u t-TFUE u l-Artikolu 194(2) tat-TFUE) mal-libertà tal-kompetizzjoni fis-suq intern, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, mingħajr preġudizzju għall-poter tal-Istati Membri biex jiggarantixxu aċċess għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (6), enfasizzat il-bżonn li dan ikun konformi mat-Trattati u li, fi kwalunkwe każ, l-eċċezzjonijiet possibbli għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (7) ibbażati fuq l-eżerċizzju intern tal-poteri f’dan il-qasam għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett (8).

2.   Introduzzjoni

2.1   Tul l-erbgħin sena li ġejjin, is-settur Ewropew tal-enerġija ser ikollu jindirizza għadd ta' sfidi li ser jirrikjedu bidliet fundamentali fil-provvista, it-trasmissjoni u l-konsum tal-enerġija. Biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati fil-livell Ewropew, il-Kummissjoni bħalissa qed tikkonsulta dwar it-tħejjija ta' strateġija ġdida tal-enerġija għall-perijodu 2011–2020 u għal pjan ta' azzjoni għall-2050. Il-Kumitat qed jaħdem fuq opinjoni dwar dawn iż-żewġ inizjattivi.

2.2   Biex tiżviluppa strateġija Ewropea sħiħa u komprensiva li tista’ tindirizza l-isfidi li ġejjin, huwa ċar li l-Unjoni Ewropea ser ikollha tuża bis-sħiħ il-kompetenzi ġodda fil-qasam tal-enerġija li ngħatawlha mit-Trattat ta' Lisbona u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jidħlu f’forma ta' kooperazzjoni u ta' kollobarazzjoni wiesgħa dwar sensiela ta' kwistjonijiet li legalment jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kompetenzi nazzjonali jew kondiviżi. Uħud mill-approċċi attwali jistgħu jirrikjedu aktar emendi għat-Trattati jew anke Trattat ġdid (pereżempju l-proposta ta' Jacques Delors għal Trattat ġdid li jistabbilixxi Komunità Ewropea tal-Enerġija). Fi kwalunkwe każ, għall-għan ta' din l-opinjoni, ser jiġi indirizzat biss it-Trattat ta' Lisbona u dawk il-miżuri li huma neċessarji biex jiġi ggarantit li l-kompetenzi kondiviżi stabbiliti f’dak it-Trattat jiġu eżerċitati b’tali mod li tiġi żgurata enfasi sħiħa fuq u r-rispett tad-drittijiet tal-konsumatur u l-varji kompetenzi attribwiti lill-Unjoni u lill-Istati Membri.

2.3   L-Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (9) jintroduċi bażi ġdida għal azzjoni sovranazzjonali b’rabta mal-enerġija, li madankollu hija soġġetta għal ċerti limitazzjonijiet imposti kemm mill-qafas regolatorju, fejn jiġu stabbiliti b’mod fiss u espliċitu mil-liġi primarja u istituzzjonali prevalenti, kif ukoll mill-koerenza futura tagħha ma' ċerti drittijiet li huma rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

2.4   Għalhekk, l-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija – il-funzjonament tas-suq tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, l-effiċjenza, l-innovazzjoni u l-iffrankar tal-enerġija, l-interkonnessjoni tan-netwerks – jistgħu biss jinkisbu jekk ikunu konformi bis-sħiħ mal-funzjonament tas-suq intern u kompatibbli mal-protezzjoni ambjentali (Artikolu 194(1) tat-TFUE). Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed timpenja ruħha b’mod partikolari biex tikseb l-objettivi li ġejjin: l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista, l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-enerġija u l-aċċess għal enerġija bi prezzijiet aċċettabbli u kompetittivi għall-konsumaturi, u dan fid-dawl tal-fatt li l-integrazzjoni tas-suq tal-enerġija tal-Ewropa fiha nnifisha mhijiex objettiv iżda pjuttost mezz essenzjali għall-ksib tal-għanijiet imsemmija.

2.5   Barra minn hekk, il-miżuri futuri li għandhom jiġu adottati mill-Unjoni skont il-proċedura leġislattiva ordinarja għall-ksib ta' dawn l-objettivi mhux ser jippreġudikaw id-dritt ta' Stat Membru li jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-isfruttar tar-riżorsi tal-enerġija, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta' enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta' enerġija tiegħu (Artikolu 194(2) tat-TFUE).

2.6   Din l-aħħar dispożizzjoni, li tirriżerva b’mod espliċitu oqsma ta' sovranità għall-Istati Membri, tiggrantilhom ukoll ambitu wiesa’, b’konformità mal-Artikolu 2(6) tat-TFUE (10), mingħajr ma tostakola l-azzjonijiet tagħhom milli jiġu ggwidati minn “spirtu ta' solidarjetà” b’konformità mal-Artikolu 194(1) tat-TFUE.

2.7   Peress li l-enerġija issa hija inkluża fost il-kompetenzi kondiviżi (punt (i) tal-Artikolu 4(2) tat-TFUE) u bil-għan li jiġu evitati kunflitti futuri potenzjali bejn l-interess ġenerali tal-Unjoni, l-interessi nazzjonali tal-Istati Membri (11), l-interessi speċifiċi tal-kumpaniji fis-settur tal-enerġija, id-drittijiet taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-utenti, jeħtieġ li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewoprew jieħu pożizzjoni formali dwar din il-kwistjoni.

2.8   Il-Kummissjoni fasslet pakkett ta' proposti fuq firxa wiesgħa bil-għan li tissodisfa l-impenji tal-Unjoni Ewropea sal-2020 fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-promozzjoni ta' sorsi rinnovabbli tal-enerġija. Għal dan il-għan, il-Kunsill u l-Parlament impenjaw ruħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra b’20 %, jintroduċu kwota ta' 20 % għall-enerġija rinnovabbli u jżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija b’20 %. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat regolament ġenerali ta' eżenzjoni ta' kategorija ġdid li jeżenta min-notifika l-għajnuna mill-Istat għall-appoġġ tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jekk dawn jissodisfaw ċerti kriterji.

2.9   Il-kwistjonijiet ewlenin indirizzati fl-Istrateġija ġdida dwar l-enerġija għall-Ewropa 2011–2020 tal-Kummissjoni jinkludu, fost l-oħrajn, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-aċċess għas-servizzi tal-enerġija u l-impjiegi li jinħolqu mill-ekonomija b’livell baxx ta' karbonju, kif ukoll:

l-implimentazzjoni ta' politiki li diġà ġew approvati fil-pakketti tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija u tat-tibdil fil-klima u fil-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET);

il-pjan direzzjonali għat-tnaqqis tal-karbonju fis-settur tal-enerġija sal-2050;

l-innovazzjoni teknoloġika;

it-tisħiħ u l-koordinazzjoni tal-politika esterna;

it-tnaqqis tal-bżonnijiet fil-qasam tal-enerġija (pjan ta' azzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija), b’mod partikolari l-bżonn li tiġi żviluppata infrastruttura tal-enerġija biex jiġu żgurati l-provvista u d-distribuzzjoni b’konformità mal-bżonnijiet tas-suq intern tal-enerġija.

2.10   Dawn il-miżuri tal-Kummissjoni, li uħud minnhom għad iridu jiġu adottati mill-Kunsill u l-Parlament, u l-implimentazzjoni futura tagħhom mill-Istati Membri (pereżempju d-distribuzzjoni tal-gass naturali, l-espansjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli, u miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija applikati fis-settur tat-trasport u tal-kostruzzjoni, eċċ.) jirriflettu r-rieda li tiġi implimentata b’suċċess l-Istrateġija 2020.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Madankollu jeħtieġ li jiġu identifikati miżuri li, fin-nuqqas ta' bażi legali stabbilita b’mod espliċitu fit-Trattati, huma meħtieġa għall-ħolqien ta' politika ġenwina dwar l-enerġija fil-perijodu qasir, politika li hija adatta għall-isfidi li qed tiffaċċja l-UE fis-seklu 21. Ċerti inizjattivi rilevanti huma rrakkomandati bħal pereżempju dik ta' Jacques Delors biex ikun hemm Trattat li jistabbilixxi Komunità Ewropea tal-Enerġija li tagħti lill-UE s-setgħa li tippromovi l-iżvilupp ta' aktar netwerks mtejba ta' infrastruttura transnazzjonali tal-enerġija, riżorsi konġunti u finanzjament għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija, jew tagħti lin-negozji għodda biex joperaw b’mod konġunt fis-swieq internazzjonali tal-prodotti relatati mal-enerġija (12).

3.2   Fl-istess ħin, b’referenza għall-Artikolu 194 tat-TFUE msemmi hawn fuq, għandha titnieda diskussjoni dwar l-ambitu tat-tliet oqsma li ser jintlaqtu mill-politika pubblika fil-livell nazzjonali u sovranazzjonali, jiġifieri s-salvagwardja u l-iżvilupp tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE, il-koerenza fl-applikazzjoni ta' eċċezzjonijiet għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali u ta' sigurtà tal-enerġija sovranazzjonali, u l-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mat-twaqqif u l-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija b’mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura tat-trasport u tad-distribuzzjoni, l-interkonnessjoni tan-netwerks, is-sistema tal-akkwist pubbliku u d-drittijiet tal-konsumatur.

3.3   Id-drittijiet prinċipali li huma l-aktar rilevanti għall-miżuri futuri tal-UE fil-qasam tal-enerġija huma rikonoxxuti fis-sezzjonijiet li ġejjin tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali: Titolu IV (Solidarjetà), Artikolu 36 (L-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali), Artikolu 37 (Protezzjoni tal-ambjent), u Artikolu 38 (Protezzjoni tal-konsumatur). Jeħtieġ li jitqiesu l-konsegwenzi potenzjali jekk l-Istati Membri kollha jirratifikaw il-Protokoll Nru 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li flimkien mat-Trattat ta' Lisbona jwitti t-triq għas-sħubija tal-UE fil-Konvenzjoni.

3.3.1   Madankollu, għalkemm dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu prinċipji għal azzjoni formali min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-UE, ma jirrikonoxxux b’mod espliċitu d-drittijiet soġġettivi (13) anke jekk fil-każ tal-protezzjoni ambjentali u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur hemm qafas legali sigur għas-salvagwardja tal-interessi individwali u l-hekk imsejħa interessi diffużi. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, anness mat-TUE u t-TFUE, żgur ser jgħin biex jiġi żgurat li l-Ewropej ikollhom aċċess għal sorsi differenti ta' konsum ta' enerġija, b’attenzjoni partikolari għaċ-ċirkostanzi tal-aktar sezzjonijiet żvantaġġati tas-soċjetà.

3.3.2   Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, wieħed jista’ jistenna li jkun hemm tensjonijiet legali bejn l-UE u l-Istati Membri minħabba d-distakk bejn il-kompitu sovranazzjonali tal-liberalizzazzjoni u/jew l-armonizzazzjoni tal-aspetti ewlenin tal-funzjonament tas-suq tal-enerġija fl-Ewropa u l-kompitu nazzjonali tal-protezzjoni tal-benesseri soċjali (14). Madankollu, il-Kummissjoni pjuttost temmen li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri ser issaħħaħ is-sigurtà nazzjonali.

3.3.3   Fuq kollox dan ser jiġri peress li l-Karta, kif nafu, tistabbilixxi biss livelli minimi ta' protezzjoni għad-drittijiet u l-libertajiet li tirrikonoxxi (15) u hija soġġetta wkoll għar-restrizzjonijiet fuq l-applikazzjoni tagħha fit-territorji ta' ċerti Stati Membri (16). Il-koeżjoni soċjali għandha tinżamm kemm jista’ jkun biex jiġu garantiti d-drittijiet tas-solidarjetà kemm fl-aċċess għall-enerġija għal dawk l-anqas vantaġġati fis-soċjetà f’termini ekonomiċi u għall-persuni vulnerabbli u b’diżabbiltà.

3.3.4   Dan huwa qabel kollox minħabba t-theddida ta' esklużjoni ta' ħafna sezzjonijiet tal-popolazzjoni mill-aċċess għall-enerġija u b’hekk jinħoloq il-faqar fl-enerġija b’riżultat tal-effetti qerrieda tal-kriżi ekonomika dinjija attwali fuq l-impjieg, f’termini ta' impjiegi li qed jintilfu, fuq il-ħaddiema, f’termini ta' aġġustament, u fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet pubbliċi biex iżommu s-servizzi soċjali.

3.4   It-tieni kwistjoni li jeħtieġ tiġi solvuta hija dik tal-koerenza bejn l-istrateġiji ta' sigurtà nazzjonali tal-Istati Membri u l-bżonn li tiġi garantita s-sigurtà tal-enerġija fil-livell sovranazzjonali.

3.4.1   Ir-rotot u s-sorsi tal-enerġija għall-Unjoni Ewropea għandhom jippromovu s-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni b’mod ġenerali u tal-Istati Membri b’mod individwali. Is-sigurtà tal-provvista tiddependi mill-evoluzzjoni tat-taħlita tal-karburant, mit-tendenzi tal-produzzjoni fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi li qed jipprovduha, mill-investiment fil-faċilitajiet ta' ħżin u r-rotot ġewwa u barra l-Unjoni Ewropea.

3.4.2   Peress li t-tieni punt tal-Artikolu 4 tat-TUE jirrikonoxxi s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali bħala “funzjoni essenzjali” tal-Istati Membri, li tagħtihom b’mod espliċitu kompetenza esklużiva f’dan il-qasam, ser ikun hemm bżonn li jiġu stabbiliti oqsma ta' kooperazzjoni politika u leġislattiva bejn l-UE u l-Istati Membri bil-għan li jinkisbu sinerġiji u komplementarjetajiet b’konformità mal-Artikolu 194(1) tat-TFUE.

3.4.3   Għal dan il-għan, għandhom jiġu analizzati metodi kif tissaħħaħ il-bażi istituzzjonali tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (17) li r-rwol tagħha huwa li tippromovi l-iskambju tal-aħjar prattika u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji u l-partijiet interessati ekonomiċi, li toħroġ opinjonijiet dwar il-konformità ta' kwalunkwe deċiżjoni adottata mir-regolaturi nazzjonali b’obbligi sovranazzjonali u f’ċerti każijiet tiddeċiedi dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-aċċess u s-sigurtà operattiva tal-infrastrutturi tal-elettriku u tal-gass li jgħaqqdu tal-anqas żewġ Stati Membri. Jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, taħt is-superviżjoni tal-Aġenzija. Madankollu, kwalunkwe żieda jew bidla fir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija għandhom ikunu fi ħdan il-limiti ġenerali stabbiliti mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari kif stabbilit fis-sentenza Meroni (18).

3.4.4   L-għan għandu jkun li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar is-sigurtà tal-enerġija – liema regoli tfasslu u ġew adottati qabel l-Artikolu 4(2) tat-TUE imsemmi hawn fuq u li jinkludu miżuri strettament sovranazzjonali (19), kif ukoll dawk li jaqgħu taħt il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni u l-pożizzjonijiet ad hoc tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2010 dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija (20) u l-konformità tagħhom ma' ċerti dispożizzjonijiet tal-Karta Ewropea dwar l-Enerġija dwar l-użu tal-infrastruttura tat-trasport tal-enerġija u t-transitu ta' materjali u prodotti tal-enerġija (21).

3.4.5   Biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà fost l-Istati Membri f’każ ta' emerġenza Komunitarja u b’mod partikolari biex jiġu appoġġjati l-Istati Membri li jinsabu f’kundizzjonijiet ġeografiċi jew ġeoloġiċi anqas favorevoli, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu azzjoni preventiva konġunta jew pjani ta' emerġenza fil-livell sovranazzjonali u anke transnazzjonali. Dawn il-pjani għandhom jiġu aġġornati b’mod regolari u ppubblikati. Fil-futur, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Strutturali jistgħu jkunu sors ta' appoġġ finanzjarju għal dawn il-pjani.

3.4.6   Bil-għan li jiġi żgurat li dawn l-objettivi jinkisbu, tajjeb li jiġu adottati malajr kemm jista’ jkun, abbażi tal-Artikolu 122 jew 194 tat-TFUE, miżuri li jirregolaw il-provvista ta' ċerti prodotti tal-enerġija f’każ ta' diffikulatjiet serji li jolqtu lill-Istati Membri u miżuri li jistabbilixxu l-proċeduri għall-għoti ta' għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri milquta minn katastrofi naturali jew avvenimenti eċċezzjonali. Għandha tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li jintuża l-Artikolu 149 tat-TFUE bħala għodda addizzjonali biex jinkisbu l-objettivi msemmija hawn fuq, sakemm dan ikun xieraq fiċ-ċirkostanzi speċifiċi li jirrikjedu l-adozzjoni ta' miżuri sovranazzjonali.

3.4.7   Fid-dawl tal-isfidi u l-objettivi tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-enerġija, jidher li jeħtieġ servizz pubbliku Ewropew fil-qasam tal-enerġija li, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, ikun responsabbli, fost affarijiet oħra, għat-tfassil ta' reġistru pubbliku tat-tendenzi tal-konsum tal-enerġija fl-Istati Membri, it-tipi ta' enerġija li tintuża f’kull pajjiż, il-miżuri biex jiġu evitati d-diżastri b’riżultat tal-użu u t-trasport tal-enerġija, u l-koordinazzjoni tal-protezzjoni ċivili f’dan ir-rigward.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Il-qafas legali sovranazzjonali bħalissa huwa stabbilit mid-Direttiva 2004/17/KE tal-PE u tal-Kunsill, 31.3.2004 (ĠU L 134) kif emendata mid-Direttiva 2005/51/KE (ĠU L 257) u r-Regolament 2038/2005/KE (ĠU L 333).

(2)  Fl-interess li tiġi ffaċilitata l-kompetizzjoni, il-kundizzjonijiet tar-Regolament 715/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 13.7.2009 (ĠU L 211) ser japplikaw mill-2011 ’il quddiem.

(3)  Il-kundizzjonijiet tar-Regolament 714/2009/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 211) ser japplikaw ukoll mill-2011 ’il quddiem.

(4)  B’konformità mal-objettivi tad-Direttivi 90/377/KEE tal-Kunsill tad-29.6.1990 (ĠU L 185); 2003/54/KE u 2003/55/KE tal-PE u tal-Kunsill tas-26.6.2003 (ĠU L 176), u l-proposta għal Direttiva tal-PE u tal-Kunsill tad-29.11.2007 (COM (2007) 735 finali).

(5)  Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta' interess ġenerali, aness mat-TUE u t-TFUE jkompli jżid mal-Artikolu 14 tat-TFUE u jipprovdi bażi ġdida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 36 tal-Karta dwar din il-kwistjoni.

(6)  Konsegwentement, il-Qorti tat lill-Istati Membri, fost affarijiet oħra, id-dritt li d-definizzjoni tas-servizzi ekonomiċi ta' interess ġenerali mogħtija lil ċerti negozji tkun tiddependi mill-objettivi ta' politika nazzjonali tagħhom. Sentenza tat-23 ta' Ottubru 1997. C-159/94, Kummissjoni v Franza, Rec. ECR I-5815, Punt 49.

(7)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta' Mejju 2000. C-209/98, Sydhavnens Stens, ECR. I-3743, Punt 74.

(8)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Mejju 2001. C-340/99, TNT Traco, ECR I-4109, Punti 56-58.

(9)  Ippubblikat fil-ĠU C 83, 30.3.2010, p. 47.

(10)  

“Il-kamp tal-applikazzjoni u l-arranġamenti għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni għandhom jiġu determinati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattati relatati għal kull qasam”.

(11)  Ir-relazzjoni bejn is-sistemi regolatorji u l-prattika amministrattiva tista’ tkun partikolarment ikkumplikata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(2) tat-TFUE li jippermettu lill-Unjoni u lill-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet vinkolanti f’dan il-qasam u jagħtu lill-Istati Membri d-dritt li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom jekk l-Unjoni ma tkunx eżerċitat il-kompetenza tagħha jew jekk tkun iddeċidiet li tieqaf teżerċita l-kompetenza tagħha. Barra minn hekk, l-uniku Artikolu tal-Protokoll Nru 25 (dwar l-eżerċizzju ta' kompetenzi kondiviżi) anness mat-TUE u t-TFUE jiddikjara li, “meta l-Unjoni tkun ħadet azzjoni f’ċertu qasam, il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-eżerċizzju ta' kompetenza jkopri biss dawk l-elementi regolati mill-att tal-Unjoni konċernat u għalhekk ma jkoprix il-qasam kollu”.

(12)  Ara l-opinjoni esploratorja CESE 990/2010 dwar “Il-faqar fl-enerġija fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika”.

(13)  Ara Benoît Rohmer, F. et al.: Commentary of the Charter of Fundamental Rights of the European Union (Kummentarju dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), Brussell 2006, p. 312 ff.; u Lucarelli, A. et al.: L'Europa dei diritti. Commento alla Carta dei diritti fondamentali del'Unione Europa (L-Ewropa tad-drittijiet. Kummenti dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), Bolonja, p. 251 ff.

(14)  Ara Moreiro González, C.J.: “El objectivo del bienestar social en el contexto de crisis económica mundial” (L-objettiv tal-benesseri soċjali fil-kuntest tal-kriżi ekonomika dinjija), Gaceta Jurídica de le UE y de la Competencia, Nueva Época, 11, 5, 2009, p. 7 ff.

(15)  Ara Artikoli 51 u 52 tal-Karta u Dikjarazzjoni 1 tal-Istati Membri dwar il-Karta, annessa mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernementali li adottat it-Trattat ta' Lisbona, iffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007, ĠU C 83, 30.3.2010, p. 337 kif ukoll l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mħejjija mill-Praesidium tal-Konvenzjoni li abbozza l-Karta u aġġornati mill-Praesidium tal-Konvenzjoni Ewropea, ĠU C 303/2, 14.12.2007, p.17 ff.

(16)  Kif stabbilit fil-Protokoll Nru 30 dwar l-applikazzjoni tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit u fid-Dikjarazzjonijiet 61 u 62 tar-Repubblika tal-Polonja u d-Dikjarazzjoni 53 tar-Repubblika Ċeka annessi mal-Att Finali tal-Konferenza Intergovernementali li adottat it-Tratta ta' Lisbona.

(17)  Stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 13.7.2009, ĠU L 211,14.08.2009.

(18)  Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tippermettix lill-Kummissjoni tiddelega setgħat regolatorji jew eżekuttivi sakemm dawn is-setgħat ma jkunux stabbiliti b’mod espliċitu fit-Trattat (sentenza Meroni tas-17 ta' Lulju 1959, ECR p.331).

(19)  Ara pereżempju l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija: Pjan ta' Azzjoni tal-UE għas-sigurtà u s-solidarjetà tal-enerġija COM (2008) 781 finali li, fost miżuri rilevanti oħra, tipproponi li temenda d-Direttiva 2006/67/KE dwar ħażniet minimi tal-prodotti taż-żejt u li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2009/119/KE tal-Kunsill tal-14.9.2009, ĠU L 265 u tad-Direttiva 2004/67/KE dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali; Green Paper “Lejn netwerk Ewropew ta' enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva” COM(2008)782 finali, eċċ.

(20)  Brussell, 26.03.2010, doc. Co EUR 4, CONCL 1.

(21)  Deċiżjoni 98/181/KE, KESC u EURATOM tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, 23.9.1997 (ĠU L 69) u Deċiżjoni 2001/595/EC tal-Kunsill, 13.7.2001 (ĠU L 209).


ANNESS

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

It-testi tal-opinjoni tas-sezzjoni li ġejjin ġew irrifjutati u minflokhom ġew adottati emendi mill-assemblea, iżda kisbu mill-inqas kwart tal-voti mixħutin:

Punt 1.1 Ir-raba' sentenza:

Jeħtieġ li jissaħħu l-aspetti kollha tal-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija fir-rigward tal-infrastruttura, is-sistema tal-akkwist pubbliku, il-funzjonament tajjeb tas-suq u l-protezzjoni tal-konsumatur. Il-KESE jenfasizza li l-kwistjoni bażika hija l-bżonn li jiġu żviluppati infrastruttura tal-enerġija u n-netwerks trans-Ewropej bil-għan li jiġi stabbilit is-suq intern tal-enerġija.

B'mod aktar speċifiku, jeħtieġ li jiġu implimentati mekkaniżmi biex jiġu identifikati l-kriterji dwar kif jiġu stabbiliti l-prezzijiet biex jiġu evitati differenzi serji u mhux ġustifikati, li sikwit ikunu bbażati, b'mod skorrett, fuq it-tip tal-enerġija użata, is-sorsi tal-provvista jew il-faċilitajiet ta' distribuzzjoni.

Bl-istess mod, għandhom jinħolqu kriterji u metodi sovranazzjonali għar-razzjonalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija fl-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-użu sostenibbli tar-riżorsi u jkunu bbażati fuq aspetti ġeografiċi u klimatiċi, bħal pereżempju l-identifikazzjoni tal-ogħla perijodi ta' attività għall-ġenerazzjoni tal-enerġija fotovoltajka, mir-riħ jew mill-marea.

Riżultat

Biex titħassar il-kelma “sovranazzjonali” kien hemm 27 vot favur, 17 kontra u 2 astensjonijiet.

Punt 1.1.5

Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat regolament li jista' jinkludi d-drittijiet li jinsabu fil-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija (COM (2007) 386 finali, CESE 71/2008, relatur: is-Sur Iozia)  (1) , u l-ispeċifiċitajiet tas-servizzi ta' interess ġenerali li l-Istati Membri jistgħu jsemmu f'dan il-qasam, permezz ta' regoli minimi komuni dwar l-obbligi tas-servizz pubbliku li għandhom jiġu definiti b'mod ċar, trasparenti, oġġettiv u mhux diskriminatorju. Għaldaqstant għandha ssir distinzjoni bejn id-drittijiet taċ-ċittadini u l-iskop li l-Istati Membri jintroduċu u jżommu obbligi tas-servizz pubbliku li ġejjin mill-għoti ta' servizzi ekonomiċi ta' interess ġenerali.

Regolament huwa għodda aktar adatta minn direttiva għar-raġunijiet li ġejjin:

regolament japplika direttament għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-intrapriżi fil-qasam tal-enerġija u l-konsumaturi;

m'għandux bżonn traspożizzjoni fit-tul;

jiggarantixxi ċarezza u koerenza man-normi u l-obbligi madwar il-Komunità u

jiddefinixxi b'mod dirett il-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

Riżultat

Biex jitħassar il-paragrafu kien hemm 28 vot favur, 16 kontra u 2 astensjonijiet.

Punt 3.4.5

Biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà fost l-Istati Membri f'każ ta' emerġenza Komunitarja u b'mod partikolari biex jiġu appoġġjati l-Istati Membri li jinsabu f'kundizzjonijiet ġeografiċi jew ġeoloġiċi anqas favorevoli, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu azzjoni preventiva konġunta jew pjani ta' emerġenza fil-livell sovranazzjonali u anke transnazzjonali (ftehimiet kummerċjali bejn in-negozji; żieda fl-esportazzjonijiet; mekkaniżmi ta' kumpens, eċċ.). Dawn il-pjani għandhom jiġu aġġornati b'mod regolari u ppubblikati. Fil-futur, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Strutturali jistgħu jkunu sors ta' appoġġ finanzjarju għal dawn il-pjani.

Riżultat

Biex jitħassru l-kliem fil-parentesi, kien hemm 30 vot favur, 11-il vot kontra u 3 astensjonijiet.


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Lejn l-adozzjoni ta' Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija (COM (2007) 386 finali).”


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/87


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2011/C 48/16

Relatur: is-Sur RODRÍGUEZ GARCÍA-CARO

Nhar is-26 ta' Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (sessjoni tas-16 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’mod unanimu.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Is-soċjetajiet ċivili Ewropej u Kanadiżi għandhom valuri komuni, inklużi l-valuri ekonomiċi, li jsostnu l-identità tas-soċjetajiet tagħhom fis-seklu 21. Il-ġabra ta' dawn il-valuri tista’ twassal għal valur miżjud fl-Unjoni Ewropea u l-Kanada, u għalhekk fil-komunità internazzjonali kollha.

1.2   Għalhekk, il-Kanada għandha tkun imsieħba ewlenija għall-UE. Ir-relazzjonijiet attwali huma adegwati, iżda jistgħu jitqiesu neqsin mill-ambizzjoni. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftuħ tan-negozjati biex jinkiseb Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Globali. Dan il-ftehim qed iżid l-aspettattivi mhux biss għall-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada, iżda wkoll għar-relazzjonijiet transatlantiċi. Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-Istati Uniti u l-Kanada, flimkien mal-Messiku, huma firmatarji tan-NAFTA, u b’hekk il-Kanada tista’ tipprovdi mezz ta' aċċess għas-suq tal-Istati Uniti li huwa sinifikanti ħafna.

1.3   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati tas-Summit reċenti bejn l-UE u l-Kanada, li sar fis-6 ta' Mejju 2010. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-mexxejja ħadu r-responsabbiltà li jsolvu d-differenzi tagħhom dwar l-għoti ta' viża u jqis li l-intenzjoni tal-Kanada li tirrevedi l-politika tagħha ta' ażil għandha tħalli kontribut pożittiv biex ikun aktar faċli għaċ-ċittadini kollha tal-UE li jiksbu viża b’konformità ma' sistema ta' reċiproċità totali.

1.4   Il-KESE jqis li l-inklużjoni ta' arranġamenti speċifiċi għall-parteċipazzjoni u l-kunsens tal-provinċji, it-territorji u s-soċjetà ċivili fin-negozjati ser tkun importanti ħafna għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Ftehim. Il-ftuħ tas-swieq tal-kuntratti pubbliċi huwa wieħed mill-punti ta' interess ewlieni tal-UE. Il-provinċji Kanadiżi għandhom kompetenzi wiesgħa ħafna f’dan il-qasam, u huwa għal din ir-raġuni li jridu jitqiesu f’dan l-aspett tan-negozjati. Minħabba d-differenzi li jeżistu bejn id-diversi atturi soċjoekonomiċi dwar dan il-punt, il-KESE jqis li, f’din il-kwistjoni, il-parteċipazzjoni attiva tal-imsieħba soċjali fin-negozjati ser tkun vitali.

1.5   Il-KESE jixtieq li l-Parlament Ewropew jieħu sehem f’dan il-proċess permezz ta' monitoraġġ u informazzjoni adegwati matul in-negozjati, u mhux biss bil-qbil u r-ratifika tal-verżjoni finali, kif stabbilit mit-Trattat ta' Lisbona.

1.6   Huwa mixtieq li hekk kif jiġi konkluż il-ftehim, il-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada jwettaq funzjonijiet simili għal dawk tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku bejn l-UE u l-Istati Uniti, bil-għan li, fost affarijiet oħra, jiġi ffaċilitat il-progress lejn konverġenza leġislattiva bejn l-UE u l-Kanada.

1.7   L-UE trid tinnegozja ftehim ambizzjuż li jkopri l-aspetti kollha tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Kanada, inklużi l-kuntratti pubbliċi. F’dan ir-rigward, hemm bżonn urġenti u immedjat li jiġu indirizzati l-ostakoli reali li qed jiffaċċjaw in-negozji, billi jiġu armonizzati r-regolamenti u jitneħħew l-ostakoli kontra l-kummerċ.

1.8   L-aspetti ambjentali u dawk dwar l-iżvilupp sostenibbli għandhom ikunu inklużi fl-ambitu tal-ftehim.

1.9   Il-KESE jemmen li la l-UE u lanqas il-Kanada ma jistgħu jippermettu li jitilfu l-opportunità biex jibnu relazzjonijiet iktar mill-qrib, billi dan ikun ta' benefiċċju għas-soċjetajiet tagħhom. Għal dan il-għan, huwa opportun li ż-żewġ naħat iżommu djalogu miftuħ mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, mhux biss matul in-negozjati iżda wkoll sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Ftehim futur, bil-għan li jkun jista’ jitjieb.

1.10   Il-KESE jipproponi li, fil-kuntest tal-Ftehim, għandu jitwaqqaf korp konsultattiv konġunt tas-soċjetà ċivili organizzata UE-Kanada. Dan il-korp għandu jwettaq funzjoni konsultattiva fil-konfront tal-korp konġunt li għandu jinħoloq bħala suġġett prinċipali ta' tmexxija politika tal-ftehim, u jista’ jressaq opinjonijiet fir-rigward tal-konsultazzjonijiet mill-korp konġunt dwar kwistjonijiet koperti mill-Ftehim. Dan il-kumitat konsultattiv jista’ jissejjes fuq kumitati konsultattivi oħrajn tas-soċjetà ċivili – eżempju reċenti ta' dan huwa l-Kumitat Konsultattiv Konġunt, fil-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-2010 bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali.

2.   Daħla

2.1   Fl-1996, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) analizza r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Kanada (1). Minn dak iż-żmien ’l hawn seħħ numru ta' avvenimenti li minħabba fihom inbidel il-kuntest ta' dawn ir-relazzjonijiet, u għalhekk inħoloq il-bżonn għal din l-opinjoni.

2.2   Is-soċjetajiet ċivili Ewropej u Kanadiżi għandhom valuri komuni li jsostnu l-identità tas-soċjetajiet tagħhom fis-seklu 21. Il-ġabra ta' dawn il-valuri tista’ twassal għal valur miżjud fl-Unjoni Ewropea u l-Kanada, u għalhekk fil-komunità internazzjonali kollha, f’aspetti bħall-ekonomija, il-politika ambjentali, is-sigurtà, l-immigrazzjoni, eċċ. Hija mixtieqa wkoll kooperazzjoni multilaterali iktar b’saħħitha fuq kwistjonijiet bħall-governanza ekonomika, it-tibdil fil-klima u r-riżoluzzjoni tat-tilwim.

2.3   F’dan il-kuntest, ħafna setturi tal-ekonomiji tagħhom huma komplementari, u ż-żewġ reġjuni jaqsmu valuri ekonomiċi komuni, li jiffaċilitaw kwalunkwe ftehim. Għaldaqstant, fis-6 ta' Mejju 2009 fi Praga nżamm Summit bejn l-UE u l-Kanada, liema riżultat prinċipali kien il-ftuħ tan-negozjati għal Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Globali (Comprehensiv Economic and Trade Agreement – CETA) bejn iż-żewġ partijiet.

2.4   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-ftuħ tan-negozjati għal ftehim u jispera li dan ikun il-bidu ta' stadju ġdid fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada, waqt li tiġi promossa l-kooperazzjoni ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet. Bl-istess mod, ser jintbagħat messaġġ ċar lill-komunità internazzjonali li kemm l-UE kif ukoll il-Kanada jirrifjutaw approċċ protezzjonist f’dawn iż-żminijiet ta' kriżi ekonomika u finanzjarja. Barra minn hekk, mingħajr il-parteċipazzjoni sħiħa tal-Kanada, ir-relazzjonijiet transatlantiċi mhux ser jieħdu ħajja ġdida.

2.5   Ta’ min wieħed jinnota li, meta jkun konkluż, il-Ftehim ser ikun l-ewwel ftehim kummerċjali reċenti bejn grupp ta' pajjiżi li l-maġġorparti tagħhom huma msieħba tal-OECD, li kollha huma ugwalment attenti għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Konsegwentement, it-tama hija li l-Ftehim joħloq pedamenti sodi kemm fir-rigward ta' aspetti ta' żvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli, kif ukoll fir-rigward tal-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim kummerċjali.

3.   Is-soċjetà ċivili fil-Kanada

3.1   Is-sistema Kanadiżi għall-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili hija differenti mill-ekwivalenti tagħha Ewropea. Is-soċjetà ċivili hija kkonsultata fuq bażi ad hoc kemm mill-kumitati parlamentari kif ukoll mill-ministri federali. Dan l-aħħar tip ta' konsultazzjoni huwa element obbligatorju tal-proċeduri parlamentari tal-Kanada, liema kuntest jistipola li għandha tingħata prova li dan it-tip ta' konsultazzjoni fil-fatt sar. Il-konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili fil-livell provinċjali wkoll hija prattika mifruxa.

3.2   Fil-Kanada hemm madwar 4,6 miljun ħaddiem (2) affiljati ma' trejdjunjin, ċifra li tirrappreżenta 26,1 % tal-ħaddiema kollha. Minkejja li fl-aħħar għaxar snin il-membri f’unjin żdiedu b’aktar minn nofs miljun ħaddiem, minħabba ż-żjieda proporzjonali fin-numru ta' impjiegi, il-perċentwali ta' ħaddiema f’unjin bilkemm inbidel, u baqa’ fl-istess livell matul dan il-perijodu.

3.3   Il-Kungress Kanadiż tax-Xogħol (Canadian Labour Congress – CLC) (3) huwa l-vuċi prinċipali nazzjonali tal-moviment trejdjunjonistiku. Il-maġġoranza tat-trejdjunjins nazzjonali fil-Kanada huma affiljati mas-CLC, li jinkludi 12-il federazzjoni provinċjali u territorjali u 136 kunsill tax-xogħol, li jirrappreżentaw madwar 3 miljun ħaddiem f’unjin. Il-kompitu tiegħu huwa li jkun hemm pagi u kondizzjonijiet tax-xogħol aktar aċċettabbli, regoli aktar stretti dwar is-saħħa u s-sigurtà, sistema fiskali ekwa u programmi soċjali, inklużi servizzi li jieħdu ħsieb it-tfal, l-assigurazzjoni tal-mard u l-pensjonijiet. Fl-istess ħin jiġġieled għal titjib fil-programmi tat-taħriġ u għall-ħolqien tal-impjiegi.

3.4   Il-Kunsill Kanadiż tal-Imprendituri (4) huwa l-organizzazzjoni prinċipali ta' min iħaddem tal-pajjiż. Hija magħmula minn madwar 150 Ogħla Eżekuttiv minn kumpaniji prinċipali Kanadiżi u minn imprendituri prominenti mis-setturi produttivi kollha. L-għan prinċipali ta' din l-organizzazzjoni hija li tressaq il-pożizzjonijiet ta' min iħaddem fuq tliet livelli: fil-Kanada, fl-Amerika ta' Fuq u globalment. Fil-Kanada, il-ħidma tagħha tiffoka fuq kwistjonijiet nazzjonali bħall-politika monetarja u fiskali, l-ambjent, il-kompetittività, il-liġi tal-kumpanija u r-regolamentazzjoni. Fl-Amerika ta' Fuq, il-ħidma tagħha prinċipalment iddur fl-interdipendenza ekonomika bejn l-Istati Uniti u l-Kanada, u l-Ftehim Nord-Amerikan għall-Kummerċ Ħieles (NAFTA). Globalment, il-ħidma tagħha tiffoka fuq il-kwistjonijiet fiskali internazzjonali, il-kummerċ, l-investiment u l-politika tal-iżvilupp, u r-relazzonijiet bilaterali u multilaterali.

3.5   Barra minn hekk, il-Federazzjoni Kanadiża ta' Impriżi Indipendenti (5) tinkludi 105 000 membru fil-livell nazzjonali mis-setturi kollha u l-għan tagħha huwa li tirrappreżenta l-interessi tal-SMEs fil-livelli federali, provinċjali u territorjali. Teżisti wkoll il-Kamra tal-Kummerċ tal-Kanada (6), organizzazzjoni influwenti fil-livell nazzjonali.

3.6   Minn fost l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi tal-Kanada (7) hija probabbilment l-aktar waħda rappreżentattiva. L-għan prinċipali tagħha huwa li tinforma lill-konsumaturi (8) u fl-istess ħin tibgħat il-messaġġi tagħha lill-Gvern u lill-impriżi bil-għan li ssolvi t-tilwim relatat mal-konsum.

3.7   Il-Kanada għandha wkoll numru ta' organizzazzjonijiet tal-bdiewa. L-akbar waħda hija l-Federazzjoni Kanadiża tal-Agrikolturi (Canadian Federation of Agriculture – CFA) (9), b’aktar minn 200 000 membru. Is-CFA twaqqfet fl-1935 sabiex tipprovdi vuċi waħda li titkellem f’isem il-bdiewa Kanadiżi. Hija organizzazzjoni “umbrella” li tirrappreżenta l-organizzazzjonijiet provinċjali u l-gruppi nazzjonali tal-produtturi. Tippromovi l-interessi tal-agrikoltura u tas-settur agroalimentari Kanadiżi.

3.8   Is-settur tas-sajd huwa rrappreżentat prinċipalment mill-Kunsill Kanadiż għas-Sajd (Fisheries Council of Canada – FCC) (10) li jirrappreżenta l-industrija tas-sajd fil-livell nazzjonali u għandu madwar 100 impriża membru li jipproċessaw il-maġġoranza tal-produzzjoni Kanadiża tas-sajd u l-ikel tal-baħar.

4.   Impetus ġdid lir-relazzjonijiet UE-Kanada: skambji ekonomiċi u relazzjonijiet politiċi

4.1   Il-Kanada hija l-erbatax-il ekonomija tad-dinja, b’PDG ta' 1,51 (11) triljun dollaru Amerikan. Is-settur prinċipali tal-ekonomija Kanadiża huwa dak tas-servizzi, li fl-2008 kien jgħodd għal aktar minn 69,6 % (12) tal-PDG u jimpjega tliet kwarti tal-popolazzjoni tal-ħaddiema fil-Kanada (13).

4.2   Il-bilanċ kummerċjali tal-pajjiż għall-2009 huwa stmat li juri defiċit ta' USD 34309 miljun, filwaqt li fl-2008 kien hemm bilanċ pożittiv ta' USD 7606 miljun. L-intestaturi prinċipali tal-esportazzjoni huma: il-vetturi u l-komponenti tagħhom, il-makkinarju industrijali, l-ajruplani, it-tagħmir tat-telekomunikazzjoni, il-prodotti kimiċi, il-plastik u l-fertilizzanti. Skont ir-rapport konġunt UE-Kanada ta' Marzu 2009, wieħed minn kull ħames impjiegi fil-Kanada huwa relatat mal-kummerċ.

4.3   Ir-relazzjonijiet formali bejn l-UE u l-Kanada jmorru lura għall-1959, meta ġie ffirmat il-“Ftehim ta' Kooperazzjoni għall-Użu Paċifiku tal-Enerġija Nukleari”. Minn dak iż-żmien, iż-żewġ partijiet iffirmaw numru ta' ftehimiet u dikjarazzjonijiet. B’konformità mal-Aġenda Transatlantika Ġdida, iffirmata mal-Istati Uniti fl-1995, is-Summit bejn l-UE u l-Kanada li nżamm f’Diċembru 1996 adotta Dikjarazzjoni Politika u Pjan ta' Azzjoni bil-għan doppju li jiġu żviluppati r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bilaterali u titħaffef il-kooperazzjoni f’kwistjonijiet multilaterali. Dan il-pjan ipprovda wkoll għal żewġ summits fis-sena biex jiġu riveduti u żviluppati aktar ir-relazzjonijiet bilaterali.

4.4   Ir-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Kanada u l-UE huma sostanzjali ħafna. Fl-2009, il-kummerċ bejniethom fl-oġġetti kien ta' EUR 40,2 biljun (14), u dak fis-servizzi kummerċjali (bl-esklużjoni tas-servizzi pubbliċi) kien ta' EUR 18,8 biljun. Barra minn hekk, fl-aħħar snin it-tendenza kienet pjuttost pożittiva, u bejn l-2000 u l-2009, l-esportazzjonijiet tal-oġġetti mill-UE għall-Kanada żdiedu minn 21,1 għal 22,4 biljuni, filwaqt li l-esportazzjonijiet tal-oġġetti mill-Kanada għall-UE naqsu minn 19 għal 17,8 biljun fl-istess perijodu. Għalhekk, f’dawn l-aħħar għaxar snin il-bilanċ pożittiv fil-kummerċ tal-oġġetti tal-UE żdied minn EUR 2,1 għal 4,7 biljuni. L-esportazzjonijiet ewlenin tal-UE lejn il-Kanada huma l-mediċini, il-karozzi u l-magni tal-ajruplani. Min-naħa l-oħra, l-esportazzjonijiet ewlenin tal-Kanada lejn l-UE huma l-ajruplani, id-djamanti, il-mineral tal-ħadid, il-mediċini u l-uranju. Fl-2009 kien hemm bilanċ pożittiv favur l-UE ta' EUR 2,5 biljuni fil-kummerċ tas-servizzi.

4.5   Wieħed mill-interessi ewlenin tal-UE fl-isfera ekonomika huwa l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-kuntratti pubbliċi. Filwaqt li l-kumpaniji Kanadiżi jgawdu minn aċċess liberu għall-kuntratti pubbliċi Ewropej, billi kemm il-Kanada kif ukoll l-UE huma firmatarji tal-Ftehim dwar il-Kuntratti Pubbliċi (GPA, 1994) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerc, in-negozji Ewropej ma jingħatawx l-istess trattament il-Kanada. Il-provinċji għandhom awtorità fuq setturi bħall-enerġija, l-ambjent, it-trasport u s-saħħa. Għaldaqstant hija ovvja l-importanza li dan l-aspett jiġi inkluż fil-proċess tan-negozjar, bil-għan li jintlaħaq ftehim sodisfaċenti u ta' benefiċċju ekonomiku għall-UE. Fil-bidu ta' din is-sena l-Kanada ffirmat ftehim kummerċjali mal-Istati Uniti biex tiftaħ is-swieq tagħha ta' kuntratti pubbliċi fuq livell sottoreġjonali. Il-Kanada ressqet din il-proposta bħala reazzjoni għall-passi protezzjonisti taħt il-kappa “Buy America” li ħadet l-Istati Uniti biex tistimola l-ekonomija tagħha. Il-ftehim juri li l-provinċji huma lesti jiftħu s-swieq tal-kuntratti pubbliċi tagħhom għall-kompetizzjoni internazzjonali.

4.6   Ir-relazzjonijiet bilaterali UE-Kanada huma fondamentalment ibbażati fuq l-istrumenti segwenti:

Il-Ftehim Qafas ta' Kooperazzjoni Ekonomika u Kummerċjali tal-1976.

Id-Dikjarazzjoni Transatlantika tal-1990, li ħolqot il-qafas istituzzjonali kemm għas-Summits UE-Kanada kif ukoll għal-laqgħat ministerjali.

Il-Pjan ta' Azzjoni u d-Dikjarazzjoni Politika tar-relazzjonijiet UE-Kanada tal-1996, li jinkludu tliet sezzjonijiet bażiċi dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, il-politika estera u ta' sigurtà u l-kwistjonijiet transnazzjonali.

Matul is-Summit ta' Ottawa f’Marzu 2004 ġiet adottata Aġenda ġdida għas-Sħubija, li fetħet ir-relazzjoni għal numru ta' ambiti li għadhom ma ġewx esplorati (koordinazzjoni internazzjonali, parteċipazzjoni konġunta f’missjonijiet ta' paċi, kooperazzjoni għall-iżvilupp, kooperazzjoni xjentifika, ġustizzja u affarijiet esterni, eċċ.), u approvat l-qafas ta' negozjar għat-Trattat ta' Tisħiħ tal-Kummerċ u l-Investiment (TIEA).

4.7   Ir-relazzjonijiet bejn il-Kanada u l-UE ġeneralment jistgħu jiġu deskritti bħala eċċellenti. L-elementi prinċipali ta' inkwiet politiku bejn il-Kanada u l-UE huma l-kwistjonijiet tal-Artiku, il-projbizzjoni Ewropea tal-kummerċ fi prodotti li ġejjin mill-foka u r-rekwiżiti Kanadiżi ta' viża għal ċerti Stati Membri tal-UE.

Fuq naħa, il-ftuħ imminenti ta' rotot navigabbli fil-Baħar Artiku joħloq sensiela ta' kwistjonijiet ta' sovranità, billi qabel kien għadu ma jitqiesx possibbli li din iż-żona tiġi sfruttata kummerċjalment. Huwa stimat li f’dan ir-reġjun jista’ jkun hemm 20 % tar-riżervi dinjija ta' żejt u ta' gass, kif ukoll li joffri rotot kummerċjali alternattivi ġodda u attraenti ħafna. In-nuqqas ta' leġislazzjoni jew regolamentazzjoni multilaterali huwa kwistjoni li trid tiġi indirizzata fil-perijodu medju, qabel ma jinqalgħu diverġenzi jew tilwim dwar is-sovranità territorjali. F’Diċembru 2009, il-Kunsill tal-UE stabbilixxa tliet objettivi prinċipali għall-politika tal-Artiku tal-UE: 1) protezzjoni u preservazzjoni tal-Artiku bi qbil mal-popolazzjoni tiegħu, 2) tħeġġiġ tal-użu sostenibbli tar-riżorsi, u 3) kontribut għall-governanza multilaterali tal-Artiku bbażat fuq il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Marittima (UNCLOS).

Min-naħa l-oħra, il-Kanada titlob viża għaċ-ċittadini tar-Repubblika Ċeka, tar-Rumanija u tal-Bulgarija, minħabba abbużi li saru fl-applikazzjonijiet ta' ażil minn ċittadini ta' dawn il-pajjiżi. Meta wieħed iqis li l-politika tal-viża tal-UE tissejjes fuq ir-reċiproċità, hemm bżonn li tinstab soluzzjoni b’mod urġenti qabel ma l-UE jkollha timponi miżuri simili. Il-Bulgarija u r-Rumanija qegħdin jaħdmu biex jilħqu l-kriterji stabbiliti mill-Kanada għall-eżenzjoni tal-viża. Fir-rigward tar-Repubblika Ċeka, il-Kanada għadha ma stabbilixxietx miżuri konkreti sabiex tneħħi r-rekwiżiti tal-viża. Il-Kanada tiġġustifika l-attitudni tagħha minħabba li m’għandhiex difiża kontra applikazzjonijiet foloż għall-ażil. Attwalment qiegħda taħdem fuq riforma leġislattiva, iżda din ser tieħu ż-żmien qabel tasal quddiem il-Parlament.

4.8   F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati tal-aħħar Summit UE-Kanada li sar fis-6 ta' Mejju 2010, fejn il-mexxejja ħadu r-responsabbiltà li jsolvu din il-kwistjoni, u jqisu li l-intenzjoni tal-Kanada li tirrevedi l-politika tagħa ta' ażil għandha tħalli kontribut pożittiv biex tiġi ffaċilitata l-kwistjoni tal-viżi għaċ-ċittadini kollha tal-UE.

5.   Evalwazzjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Globali bejn l-UE u l-Kanada

5.1   Fis-6 ta' Mejju 2009, matul is-summit UE-Kanada li sar fi Praga, ġie deċiż li jitnedew in-negozjati għal Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Globali.

5.2   Studju dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' sħubija ekonomika iktar mill-qrib bejn l-UE u l-Kanada, imfassal b’mod konġunt mill-UE u l-Kanada, ikkonkluda li t-tneħħija tat-tariffi għandha tirriżulta f’benefiċċji ewlenin għaż-żewġ naħat, kif ukoll il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi u t-tnaqqis fl-ostakoli mhux tariffarji għall-oġġetti u l-investiment.

5.3   Skont dan ir-rapport, l-aktar oqsma rilevanti għall-Ftehim ser ikunu l-kummerċ tal-oġġetti, il-kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji, l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ, l-iffaċilitar kummerċjali, il-proċeduri doganali, il-kummerċ transkonfinali fis-servizzi, l-investiment, il-kuntratti pubbliċi, il-kooperazzjoni regolatorja, il-proprjetà intelletwali, iċ-ċaqliq tal-persuni, il-politika tal-kompetizzjoni, l-arranġamenti istituzzjonali u s-soluzzjoni tat-tilwim kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli. L-ostakoli mhux kummerċjali u r-regolamentazzjoni huma l-aktar suġġetti ewlenin li ser jiġu diskussi matul in-negozjati.

5.4   Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tal-oġġetti u s-servizzi bejn iż-żewġ partijiet tista’ żżid il-flussi kummerċjali bilaterali b’20 %. Huwa stimat ukoll li, seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta' ftehim ta' dan it-tip, iż-żjieda fid-dħul reali għall-UE ser tkun ta' EUR 11,6 biljun filwaqt li għall-Kanada ser tkun ta' EUR 8,2 biljun. L-esportazzjonijiet totali tal-UE lejn il-Kanada għandhom jiżdiedu b’24,3 %, jew EUR 17000 miljun, waqt li l-esportazzjonijiet Kanadiżi għandhom jiżdiedu b’20,6 % jew EUR 8600 miljun sal-2014.

5.5   L-istudju jissuġġerixxi li hemm skop biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni permezz ta' kollaborazzjoni xjentifika u teknoloġika fuq aġenda komuni ta' riċerka, l-iktar f’oqsma strateġiċi bħall-enerġija u l-ambjent, il-faħam nadif, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, il-bijokarburanti u impjanti u netwerks intelliġenti tal-elettriku.

5.6   Oqsma oħrajn għal aktar kollaborazzjoni fi ħdan il-Ftehim għandhom jinkludu fost oħrajn is-sigurtà, kwistjonijiet ta' sigurtà soċjali, sistema ta' kooperazzjoni għall-għarfien reċiproku tal-kwalifiki, u kooperazzjoni fi ħdan l-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral.

5.7   Mil-lat kummerċjali, l-aspetti tat-tariffi ma jidhrux li huma sors ta' diffikultà fin-negozjati. Element prinċipali fin-negozjati ser ikun l-armonizzazzjoni leġislattiva, peress li t-tendenza tal-ekonomija qed toqrob lejn is-servizzi u l-investiment barrani jagħmel il-qafas regolatorju iktar importanti minn qatt qabel. Madankollu, is-sistema tal-poteri leġislattivi maqsuma bejn l-Istat Federali, il-provinċji u t-territorji tista’ tkun ta' ostakolu għan-negozjati tal-Ftehim f’dan ir-rigward.

5.8   Għal din ir-raġuni, il-provinċji tħallew, bħala eċċezzjoni, jipparteċipaw b’mod dirett fil-proċess tan-negozjar, bl-UE tappoġġja l-preżenza tagħhom. Ir-rappreżentant tal-Gvern federali huwa responsabbli min-negozjati iżda jistgħu jispontaw differenzi f’oqsma ta' kompetenza maqsuma jew esklużiva, kemm bejn il-provinċji stess kif ukoll mal-Gvern federali.

5.9   Il-Kanada m’għandhiex suq uniku ta' veru. Kemm il-Gvern federali kif ukoll il-provinċji jifhmu l-bżonn li jinħoloq suq intern iżda għalissa hemm biss rieda politika qawwija. Il-kriżi ekonomika dinjija madankollu qed timbotta lill-Kanada biex tikkonkludi Ftehim kemm jista’ jkun malajr sabiex tkun tista’ tiddiversifika s-swieq esterni tagħha lil hinn mill-Istati Uniti.

5.10   Fir-rigward tal-aktar setturi sensittivi, is-settur tal-karozzi huwa l-iktar punt kummerċjali ta' kunflitt bejn l-UE u l-Kanada. Għall-kuntrarju, fis-settur tas-sajd jeżistu relazzjonijiet tajbin u dan mhux ser ikun kwistjoni prominenti fin-negozjati. Fl-enerġija, l-UE tixtieq tiddiversifika l-provvedituri tagħha tal-enerġija u għalhekk qed tikkunsidra li tinnegozja ftehim speċjali tal-enerġija, għalkemm għalissa din hija biss proposta. Setturi oħra fejn il-kumpaniji Ewropej isibu problemi biex jagħmlu negozju fil-Kanada huma is-settur tal-avjazzjoni, dak bankarju u dak tal-kuntratti pubbliċi. L-UE u l-Kanada għandhom fehmiet differenti wkoll dwar indikazzjonijiet ġeografiċi u kwistjonijiet agrikoli.

5.11   Mil-lat ambjentali, il-gvernijiet federali u provinċjali għadhom iridu jiżviluppaw pożizzjoni komuni dwar kwistjonijiet ambjentali, b’mod partikulari fir-rigward tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra. Il-provinċji jieħdu pożizzjonijiet differenti: waqt li l-Quebec, Ontario, il-British Columbia u Manitoba jagħmlu parti mill-Inizjattiva tal-Punent dwar il-Klima (Western Climate Initiative) u implimentaw miżuri biex jitnaqqas u jiġi aġġustat it-tibdil fil-klima, Alberta u Newfoundland, li l-ekonomiji tagħhom jiddependu ħafna fuq il-produzzjoni taż-żejt, mhumiex firmatarji. Din il-kwistjoni tibqa’ mhux solvuta u huwa improabbli li din il-parti tan-negozjati ser toħloq ftehim vinkolanti dwar din il-kwistjoni, li taħt l-ebda ċirkostanzi ma jista’ jiġi permess li jirriżulta fl-adozzjoni ta' pożizzjonijiet li joħolqu żvantaġġi fil-kompetittività tan-negozji Ewropej. Madankollu, il-Kanada impenjat ruħha biex tinvesti f’teknoloġiji ta' enerġija nadifa u biex twaqqaf kooperazzjoni bilaterali fir-rigward tal-istrateġija tal-enerġija nukleari.

6.   Il-pożizzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-Ftehim UE-Kanada

6.1   Dawk li jħaddmu

6.1.1   Dawk li jħaddmu fl-Ewropa (BUSINESSEUROPE) qed isejħu għat-tneħħija tal-ostakoli ta' dawk li huma tariffi u dawk li mhumiex; mingħajr ma tiġi eskluża l-ebda intestatura tariffarja, għal aċċess ħafna aħjar għall-kuntratti pubbliċi fil-livelli kollha (nazzjonali u sottonazzjonali); impenn għal konverġenza leġislattiva fis-setturi prijoritarji; iktar ħarsien tal-proprjetà intellettwali (inkluża l-protezzjoni tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini, l-aktar fix-xorb alkoħoliku); mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim; u iktar mobilità tal-forza tax-xogħol, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki tal-persunal professjonali u ta' ċertu professjonijiet bħan-nersijiet jew l-avukati.

6.1.2   Il-Ftehim jiftaħ il-bibien għal opportunitajiet ġodda ta' negozju bejn żewġ imsieħba, li għandhom livelli simili ta' żvilupp u approċċi kumparabbli għall-politika kummerċjali. Il-prosperità kienet marbuta mill-qrib ma' politika ekonomika msejsa fuq il-liberalizzazjoni tal-kummerċ u l-attrazzjoni ta' investiment dirett barrani. Issa huwa iktar importanti minn qatt qabel li s-swieq jinżammu miftuħa, billi dan jipprovdi stimolu sinifikanti għall-kompetizzjoni, l-innovazzjoni u t-tkabbir.

6.1.3   Is-settur tan-negozju huwa konvint li r-regoli tal-kummerċ multilaterali għandhom jirregolaw lill-kummerċ internazzjonali, iżda jemmen ukoll li hemm spazju għal aktar progress permezz ta' ftehimiet bilaterali iktar ambizzjużi li jippermettu għal tneħħija iktar mgħaġġla tal-ostakoli, b’mod speċjali fir-rigward ta' dawk mhux tarrifarji, il-kummerċ fis-servizzi u l-investiment.

6.1.4   Ftehim ambizzjuż u profond bejn l-UE u l-Kanada ser ikollu effett pożittiv fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn iż-żewġ naħat, liema relazzjonijiet issaħħew fl-aħħar snin mhux biss permezz tal-esportazzjoni, iżda wkoll fir-rigward ta' tranżazzjonijiet iktar kumplessi fis-settur tas-servizzi u fit-twaqqif tal-impriżi.

6.1.5   Il-Ftehim ser jipprovdi impetus lejn iktar flussi ekonomiċi u kummerċjali bilaterali. In-negozjati għandhom iwasslu għall-ħolqien ta' opportunitajiet ta' negozju f’setturi fejn il-kumpaniji diġà wrew b’mod ċar il-kapaċità kompetittiva tagħhom fis-swieq globali, bħall-enerġija, b’mod speċjali fil-qasam tas-sorsi rinnovabbli, il-ġestjoni tal-infrastruttura, is-servizzi finanzjarji, il-kostruzzjoni, is-servizzi u t-teknoloġiji ambjentali, jew it-telekomunikazzjoni.

6.1.6   L-għan ġenerali huwa li jinħolqu iktar opportunitajiet b’inqas ostakoli, fi kliem ieħor, jiġu offruti opportunitajiet ġodda ta' negozju lill-impriżi billi jitneħħew l-ostakoli għall-esportazzjoni tal-oġġetti, is-servizzi u l-kapital.

6.1.7   Il-Ftehim ser jagħti kontribut kbir għal integrazzjoni iktar mill-qrib bejn l-ekonomiji tal-Unjoni Ewropea u tal-Kanada, u jiffaċilita l-irkupru ekonomiku fuq iż-żewġ naħat matul perijodi ta' kriżi, billi jespandi l-flussi ta' kummerċ u investiment.

6.1.8   Il-kummerċ internazzjonali jista’ u għandu jaqdi rwol ewlieni bħala mutur għat-tkabbir u l-iżvilupp madwar id-dinja, konsegwentement, il-politika tal-kummerċ, bil-ftuħ tas-swieq, għandha tkun element ewlieni tal-politika ekonomika tal-UE.

6.2   Trejdjunjins

6.2.1   It-trejdjunjins Ewropej u internazzjonali (EPSU, ETUC, ITUC) fasslu għadd ta' rakkomandazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u l-konformità mal-Konvenzjonijiet fundamentali tax-xogħol tal-ILO (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol) Nru 98 (negozjar kollettiv), 138 (età minima), 94 (klawsoli tax-xogħol fil-kuntratti pubbliċi) u 29 (xogħol sfurzat), flimkien ma' fatturi oħrajn għal impjieg deċenti. Isejħu liż-żewġ naħat biex jippubblikaw rapporti regolari dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta' dawn l-impenji. F’dan ir-rigward ifakkru li l-Kungress Kanadiż tax-Xogħol spiss ressaq ilmenti lill-ILO dwar ksur tal-istandards tax-xogħol fil-Kanada f’livell provinċjali. Fil-prattika, għalkemm il-liġi federali tiggarantixxi ’l-ħaddiema d-dritt li jissieħbu ma' trejdjunjins, sistemi legali differenti fil-provinċji jimponu restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-unjins fil-pajjiż kollu, u konsegwentement jiġu kkritikati mill-ILO.

6.2.2   Iż-żewġ naħat iridu wkoll jimpenjaw ruħhom biex jikkonformaw mal-linji gwida tal-OECD għal impriżi multinazzjonali u d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar impriżi multinazzjonali u l-politika soċjali, u m’għandhomx ibaxxu l-istandards tax-xogħol sabiex jiġbdu investiment barrani.

6.2.3   Il-Konfederazzjoni Ewropew tat-Trejdjunjins (ETUC) tixtieq li l-Ftehim jinkludi kapitolu b’saħħtu dwar l-iżvilupp sostenibbli, inkluż mekkaniżmu vinkolanti li jiggarantixxi l-implimentazzjoni ta' konvenzjonijiet fundamentali tax-xogħol.

6.2.4   Min-naħa tiegħu, l-EPSU jħeġġeġ li l-Ftehim għandu jipproteġi servizzi pubbliċi attwali u futuri, u għal dan il-għan jiggarantixxi regolazzjoni nazzjonali.

6.2.5   Għall-unjins Kanadiżi, il-Kungress Kanadiż tax-Xogħol jappoġġja bi sħiħ l-użu tal-kuntratti pubbliċi biex jinkisbu l-objettivi soċjali, ambjentali u tal-iżvilupp ekonomiku u għalhekk huwa kontra li l-kuntratti pubbliċi jinfetħu biex jinkludu l-korporazzjonijiet irjali u l-gvernijiet sottofederali

6.2.6   Il-Kungress Kanadiż tax-Xogħol jinsab imħasseb ħafna wkoll li tilwim possibbli ta' interess bejn l-investituri u l-Istat jista’ jhedded lis-servizzi pubbliċi u r-regolamenti interni, kif ukoll dwar l-impatti ta' protezzjoni eċċessiva tal-proprjetà intelletwali, partikularment dwar il-prezzijiet tal-prodotti farmaċewtiċi.

6.2.7   Għandu jkun hemm mekkaniżmu vinkolanti li permezz tiegħu l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema miż-żewġ naħat ikunu jistgħu jappellaw kontra l-azzjonijiet tal-gvern.

6.2.8   Isejħu biex jitwaqqaf Forum tal-Kummerċ u tal-Iżvilupp Sostenibbli, li jkun jista’ jikkonsulta lill-ħaddiema, lil dawk li jħaddmu, u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’mod ibbilanċjat. Attwalment, l-organizzazzjonijiet tax-xogħol jargumentaw li l-proċess konsultattiv huwa parzjali għall-fehmiet tan-negozjanti.

6.2.9   Isejħu wkoll għal klawsoli b’saħħithom li jiżguraw konformità mal-ftehimiet multilaterali dwar l-ambjent, inkluż il-Protokoll ta' Kyoto. F’dan il-qasam, jaħsbu li għandha tiġi inkluża l-konformità mal-konvenzjonijiet tad-drittjiet tal-bniedem, inklużi dawk dwar id-drittijiet pubbliċi u ċivili, billi din hija ta' importanza kbira għad-dimensjoni soċjali tal-iżvilupp sostenibbli.

6.3   Interessi varji

6.3.1   Is-settur agrikolu jsejjaħ lin-negozjaturi tal-UE biex iqisu l-prodotti sensittivi f’dan il-qasam. Fir-rigward tar-regoli dwar l-oriġini, jirrakkomandaw li jintuża bħala mudell il-Ftehim mal-Korea t’Isfel. Is-settur tal-prodotti mill-ħalib huwa kruċjali, u t-tama hija li l-Ftehim jiġġenera opportunitajiet ġodda fis-suq għall-produtturi Ewropej. L-interessi tal-UE fis-settur tal-laħam huma difensivi, u l-produtturi qed isejħu għal kwoti għal-laħam tal-majjal, tat-tiġieġ, il-bajd u l-prodotti mill-bajd. Is-settur għandu wkoll interessi offensivi ħafna fir-rigward taċ-ċereali, b’mod partikulari l-qamħ, u huwa kontra kull żjieda fil-kwota Kanadiża. Barra minn hekk, ikun utli li l-Gvern Kanadiż jgħarraf lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ b’liema regolazzjonijiet jistgħu joħolqu ostakoli għall-kummerċ, ħalli l-Kumitat ta' Ostakoli għall-Kummerċ ikun jista’ janalizza l-kompatibbiltà tagħhom, bħalma ġara fil-każ tal-liġi Kanadiża C-32 dwar l-ingredejnti fil-prodotti tat-tabakk.

6.3.2   Fir-rigward tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-KESE jfakkar li l-possibbiltà ta' kooperazzjoni bejn l-UE u l-Kanada f’dan il-qasam diġà ssemmiet fid-dikjarazzjoni konġunta ta' Novembru 1990. Fl-2006, l-UE u l-Kanada estendew il-ftehim fl-oqsma tal-edukazzjoni superjuri, it-taħriġ u ż-żgħażagħ għall-perijodu 2006-2013. Għalhek dan huwa l-ewwel ftehim bilaterali ffirmat mill-UE li jsemmi l-kooperazzjoni favur iż-żgħażagħ barra l-edukazzjoni superjuri. Madankollu, dan il-ftehim ma jidhirx li ngħata l-finanzjament meħtieġ. Il-KESE jitlob li dawn il-miżuri jkunu ffinanzjati tajjeb u barra minn hekk tingħata assistenza finanzjarja lil numru ta' ħaddiema soċjali li jaħdmu mat-tfal u ż-żgħażagħ fl-UE u li huma lesti li jaħdmu f’organizzazzjonijiet simili fil-Kanada permezz ta' skambji ta' esperjenzi u attivitajiet konġunti.

7.   Il-pożizzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv

7.1   Il-KESE jappoġġja kummerċ miżjud u liberalizzat u, f’dan is-sens, jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija tan-negozjati tal-ftehim UE-Kanada, minkejja li jiddispjaċih bil-falliment taċ-Ċiklu ta' Doha. Ifakkar il-preferenza tiegħu għall-approċċ multilaterali u r-rifjut tiegħu għall-protezzjoniżmu kummerċjali.

7.2   Il-KESE jappoġġja kull miżura intiża sabiex issolvi l-ftit punti ta' frizzjoni li jibqgħu eżistenti fil-kwistjonijiet bilaterali (aċċess għall-Artiku, viżi u l-kummerċ fil-prodotti tal-foki), u jfakkar l-importanza ta' dan il-ftehim sabiex jitħeġġu l-iskambji bejn l-UE u r-reġjun kollu tal-Amerika ta' Fuq fil-kuntest tan-NAFTA. F’dan il-kuntest jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew jiggarantixxi l-monitoraġġ adegwat fl-istadji kollha tan-negozjati tal-ftehim, sabiex ikun jista’ jipproċedi b’mod aktar faċli għall-approvazzjoni finali tal-ftehim.

7.3   Il-KESE jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għar-relazzjonijiet eċċellenti bejn l-UE u l-Kanada u jistieden liż-żewġ partijiet sabiex jużaw dawn ir-relazzjonijiet ħalli jsaħħu l-alleanzi b’għanijiet multilaterali fl-ambitu politiku, u b’mod partikulari l-azzjonijiet solvuti u l-miżuri konkreti favur l-irkupru ekonomiku dinji u objettivi oħrajn bħan-nonproliferazzjoni tal-armi nukleari, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ġestjoni konġunta tal-kriżi (missjonijiet ta' paċi jew diżastri naturali).

7.4   Il-KESE jiddefendi bi sħiħ il-mudelli Ewropej ta' djalogu soċjali u ta' djalogu ċivili. Għalhekk jisħaq fuq il-bżonn li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata jinstemgħu, jiġu involuti u jitħallew jipparteċipaw fil-proċess ta' negozjati tal-ftehim u fl-applikazzjoni sussegwenti tiegħu.

7.5   Il-KESE jikkunsidra li l-ftehim futur għandu jqis il-possibbiltà li jitwaqqaf korp konsultattiv konġunt li jinkludi rappreżentanti mis-soċjetà ċivili organizzata, bil-kompitu li jippromovi d-djalogu u l-kooperazzjoni fl-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada li jistgħu jinbtu minħabba l-applikazzjoni tal-ftehim. Peress li ma teżisti l-ebda istituzzjoni kontroparti li tirrappreżenta lis-soċjetà ċivili organizzata Kanadiża, il-KESE jipproponi li, flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Kanadiżi, janalizza l-aħjar mod kif tiġi definita l-parteċipazzjoni f’dan il-kumitat futur.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Opinjoni EXT/142 dwar Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada, Brussell, 27 ta' Novembru 1996.

(2)  Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol 2008, Statistika, il-Kanada.

(3)  http://canadianlabour.ca.

(4)  http://www.ceocouncil.ca/en/.

(5)  http://www.cfib.org.

(6)  http://www.chamber.ca.

(7)  http://www.consumer.ca.

(8)  Organizzazzjonijiet oħrajn tal-konsumaturi fil-Kanada jinkludu l-Kunsill tal-Konsumaturi tal-Kanada, is-Soċjetà tal-Konsumaturi Professjonali tal-Kanada, l-Għażla tal-Konsumaturi u l-Unjoni tal-Konsumaturi.

(9)  http://www.cfa-fca.ca/pages/home.php

(10)  http://www.fisheriescouncil.ca/.

(11)  Stimat 1,3 għall-2009, 1,4 għall-2008. FMI. World Economic Outlook Database. Ottubru 2009.

(12)  https://www.cia.gov/library/publications/the-world-factbook/geos/ca.html.

(13)  Sors: Istitut Spanjol għall-Kummerċ Estern – ICEX.

(14)  Eurostat.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/94


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi tal-Euromed”

2011/C 48/17

Relatur: is-Sur Meelis JOOST

Nhar il-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi tal-Euromed.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tas-16 ta’ Settembru), b’unanimità, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

1.   Konklużjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa’ l-fatt li bosta pajjiżi msieħba tal-Mediterran irratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u b’hekk poġġew is-sisien biex tittejjeb il-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità.

1.2

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran għandhom jiġu involuti b’mod aktar effettiv minn qabel fil-kooperazzjoni fil-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja. Il-parteċipazzjoni attiva ta’ dawn l-organizzazzjonijiet fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili tirrikjedi li jiġi żgurat il-finanzjament tagħhom.

1.3

Il-KESE jitlob lill-pajjiżi msieħba tal-Mediterran jippromovu l-approċċ “Disinn għal kulħadd” fit-tfassil tal-ambjent li jgħixu fih in-nies, għaliex permezz ta’ ambjent mingħajr barrieri u faċli għall-utent ikun qed isir kontribut ukoll għall-iżvilupp tal-potenzjal turistiku.

1.4

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-mezzi finanzjarji għall-pajjiżi msieħba tal-Mediterran ikunu disponibbli wkoll għall-għaqdiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabilità, u li l-fondi mill-programmi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ma jintużawx b’tali mod li jinħolqu ostakli addizzjonali għall-parteċipazzjoni ekwa tal-persuni b’diżabilità fil-ħajja tas-soċjetà.

1.5

Fid-dawl tal-isfond kulturali tal-pajjiżi msieħba tal-Mediterran u tat-titjib li sar fil-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità permezz tal-mudell ibbażat fuq il-karità, il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex issa jibdew mexjin lejn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet sabiex is-soċjetà terfa’ r-responsabbiltà tagħha fir-rigward tal-benesseri tal-persuni b’diżabilità u l-għajxien ta’ kuljum tagħhom, u toħloq ambjent kif ukoll servizzi li jikkunsidraw il-bżonnijiet tal-utenti kollha. Approċċ bħal dan huwa konformi mal-Konvenzjoni tal-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

1.6

Il-pajjiżi tal-Mediterran għandhom jiffokaw aktar fuq l-oqsma ta’ taħriġ li huma adatti għall-persuni b’diżabilità, sabiex b’hekk jinħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba u jkun hemm il-ħaddiema li jissodisfaw l-eżiġenzi tas-suq. Barra minn hekk, għandhom itaffu wkoll il-konsegwenzi negattivi tal-eżodu miż-żoni rurali fuq l-impjiegi u l-mewġiet ta’ migrazzjoni.

1.7

Fuq il-bażi tal-istatistika, li skontha l-persuni b’diżabilità jammontaw għal mill-inqas 10 % tal-popolazzjoni, aktarx fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran jgħixu madwar 25 miljun persuna b’diżabilità. Il-KESE jappella biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-reġjun tal-Mediterran jaħdmu favur l-opportunitajiet indaqs u jippromovu wkoll, fost affarijiet oħra, l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol.

1.8

Sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni tal-pajjiżi fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran, il-pajjiżi msieħba tal-Mediterran għandhom jiġu inklużi f’kemm jista’ jkun inizjattivi, fosthom is-snin tematiċi Ewropej (1), il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura li jingħażlu kull sena u l-inizjattiva reċenti li kull sena tingħażel Kapitali Ewropea għall-Aċċessibbiltà Universali (2).

2.   Introduzzjoni

2.1

F’opinjonijiet preċedenti l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew eżamina l-iżvilupp soċjali fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran.

2.2

Il-Kumitat iddeċieda li jħejji din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja sabiex jikber l-għarfien dwar is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità fir-reġjun tal-Mediterran, u biex isir kontribut għat-titjib tal-qagħda tagħhom. Bħalissa l-qasam soċjali għaddej minn fażi deċiżiva ta’ żvilupp bi sfidi dinjija kbar.

2.3

Il-Proċess ta’ Barċellona, li ġie introdott fl-1995, ta spinta ġdida lir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ġirien tagħha fir-reġjun tal-Mediterran (3), u identifika l-kundizzjonijiet il-ġodda għall-ħolqien ta’ żona ta’ paċi u prosperità ekonomika fir-reġjun. Però ħmistax-il sena wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona, il-progress għadu limitat.

2.4

L-inizjattiva tal-Unjoni għall-Mediterran, li tnediet fl-2008, tat impulsi ġodda lill-kooperazzjoni, u l-parteċipanti fis-Sħubija Ewro-Mediterranja jistgħu jużaw dan biex jiżviluppaw ir-reġjun b’mod ibbilanċjat. L-iżvilupp tal-kwistjonijiet soċjali, fosthom it-titjib tas-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità, jista’ jaqdi rwol essenzjali f’dan il-kuntest.

2.5

Fil-kuntest tal-ftehim ta’ sħubija, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħti aktar importanza lill-aspett tal-iżvilupp fis-settur soċjali u tiġbed l-attenzjoni b’mod aktar ċar għall-ħtieġa urġenti li tittejjeb il-koeżjoni soċjali.

2.6

F’Ottubru 2002, fil-Libanu nbeda d-Deċennju Għarbi għall-Persuni b’Diżabilità li ser jintemm fl-2012. Fit-tnedija ta’ dan id-deċenju ħadu sehem dsatax-il Stat Għarbi u r-rappreżentanti ta’ aktar minn mitt għaqda tas-soċjetà ċivili Għarbija li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabilità. Id-dikjarazzjoni li saret f’din l-okkażjoni kienet ir-riżultat ta’ proċess twil ta’ konsultazzjoni bejn il-ministri tal-affarijiet soċjali tal-pajjiżi parteċipanti.

2.7

Diversi pajjiżi tal-Mediterran irratifikaw il-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità (4), li l-għan tagħha huwa li tiggarantixxi d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u ttejjeb il-kwalità ta’ ħajjithom. Fil-kuntest tal-UE, il-proċess ta’ ratifika tal-Konvenzjoni huwa marbut mal-abbozz ta’ direttiva kontra d-diskriminazzjoni, li dwarha l-KESE esprima fehemtu f’Opinjoni. Id-Direttiva, li għandha tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni f’oqsma differenti tal-ħajja, għadha ma ġietx adottata, iżda l-proċess inbeda. Dan ifisser li l-UE qed tagħmel passi kbar lejn il-protezzjoni legali tal-persuni b’diżabilità.

2.8

Il-kooperazzjoni fl-iżvilupp tar-riżorsi umani tat riżultati pożittivi. L-indiċi tal-iżvilupp uman żdied minn 0,694 fl-1995 għal 0,736 fl-2007 (5). Billi l-kriżi attwali għandha impatt negattiv fuq dan l-iżvilupp, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-opportunitajiet indaqs fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiżi msieħba tal-Mediterran.

2.9

Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, is-sitwazzjoni tad-drittijiet u l-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità tvarja minn pajjiż għal ieħor. L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tiġbed l-attenzjoni tal-Istati għall-ħtieġa li jittejbu s-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità u l-effiċjenza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f’dan il-qasam kif ukoll li r-rappreżentanti ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jiġu inklużi b’mod aktar attiv minn qabel fil-kooperazzjoni regolari tas-soċjetà ċivili bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba tal-Mediterran. L-eżempji tal-Istati individwali kif ukoll ir-referenzi għall-istudji li saru f’dawn l-Istati u d-data miġbura juru biċ-ċar li l-Istati msemmijin jieħdu l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità bis-serjetà u ħadu passi biex itejbu l-koeżjoni soċjali.

3.   Involviment soċjali u opportunitajiet indaqs

3.1

L-intenzjoni tal-Proċess ta’ Barċellona (1995) hija li l-iżviluppi soċjoekonomiċi fiż-żewġ naħat tal-Mediterran jersqu aktar lejn xulxin. Madankollu, dak iż-żmien ma ġewx ikkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi ta’ ċerti gruppi ta’ persuni. Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE wriet li l-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs għall-gruppi li għandhom bżonn il-protezzjoni kif ukoll it-titjib tal-koeżjoni tas-soċjetà huma utli għas-soċjetà kollha.

3.2

Meta tkun qed tinħoloq żona ta’ kummerċ ħieles komuni, huwa partikolarment importanti li l-ambjent li jgħixu fih in-nies u l-għajxien tal-persuni b’diżabilità jitqarrbu dejjem aktar lejn l-istandards tal-UE. Sabiex jinkiseb dan, il-persuni b’diżabilità jridu jiġu involuti b’mod aktar effettiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

3.3

Sistema edukattiva inklużiva, il-politika tal-impjiegi, l-iżvilupp reġjonali bbilanċjat u l-parteċipazzjoni fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ilkoll jgħinu biex jitnaqqas il-faqar. Barra minn hekk, iżidu l-attraenza tal-pajjiżi msieħba tal-Mediterran bħala post fejn wieħed jgħix u jaħdem, u b’hekk jaħdmu kontra l-emigrazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, l-involviment soċjali jtejjeb il-mobilità tan-nies. F’ħafna pajjiżi msieħba tal-Mediterran, it-tfal b’diżabilità m’għandhomx l-aċċess meħtieġ għall-edukazzjoni u b’hekk is-suq tax-xogħol u l-opportunitajiet li joffri jkunu fil-biċċa l-kbira magħluqa għalihom meta jkollhom l-età tax-xogħol.

3.4

Il-maġġoranza tal-iskejjel fil-pajjiżi tal-Euromed ma joffrux il-possibbiltà ta’ taħriġ għat-tfal b’diżabilità. Madwar nofs it-tfal b’diżabilità ma jgħixux mal-familja iżda f’ċentri tal-kura. Il-persuni b’diżabilità fil-verità ma jistgħux jużaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol għalkemm fil-pajjiżi tal-Euromed tfasslu liġijiet speċifiċi li jinkludu l-obbligu li jingħata l-appoġġ lill-persuni b’diżabilità u li jiġu żgurati l-possibbiltajiet ta’ impjieg għalihom fis-suq tax-xogħol. Stħarriġ li sar fl-2003 mill-Għaqda Libaniża tal-Persuni b’Diżabilità (LPHU – Lebanese Physically Handicapped Union) wera ċar u tond li l-istituzzjonijiet li jirċievu l-akbar parti ta’ fondi pubbliċi maħsuba għall-persuni b’diżabilità, lil dawn tal-aħħar ma jagħtuhomx l-edukazzjoni meħtieġa biex jidħlu fis-suq tax-xogħol.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fiż-żona Ewro-Mediterranja

3.5

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità ġiet ratifikata minn dawn il-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE iżda huma msieħba tas-Sħubija Ewro-Mediterranja: l-Alġerija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Marokk, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Eġittu, is-Sirja, il-Ġordan, il-Kroazja u l-Montenegro. S’issa għadha ma ġietx ratifikata mill-Iżrael, il-Palestina, il-Libanu, l-Albanija, il-Mawritanja, Monako u l-Libja, li hija pajjiż osservatur. Xi wħud mill-Istati Membri tal-UE wkoll għandhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni.

3.6

L-artikoli tal-Konvenzjoni jiggarantixxu lill-persuni b’diżabilità protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni f’kull qasam tal-ħajja: fid-dinja tax-xogħol u fl-aċċess għall-mezzi tat-trasport, il-bini pubbliku u d-djar. Il-Konvenzjoni tenfasizza bis-sħiħ li għandhom jiġu garantiti servizzi adegwati u protezzjoni soċjali adatta kemm fil-belt kif ukoll fil-kampanja.

3.7

Il-Konvenzjoni tagħti importanza partikolari lill-aċċess għall-edukazzjoni, id-dritt li persuna tagħżel b’mod ħieles il-post fejn tgħix, id-dritt li persuna tgħix f’familja u l-parteċipazzjoni fil-ħajja politika. Diversi kapitoli jitkellmu dwar in-nies u t-tfal b’diżabilità, żewġ gruppi li huma importanti ħafna sabiex tittejjeb il-koeżjoni soċjali fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn l-UE u r-reġjun tal-Mediterran.

3.8

Flimkien mat-test tal-Konvenzjoni hemm ukoll protokoll mhux vinkolanti. L-Istati li ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni jintrabtu li jwaqqfu osservatorju biex jissorvelja l-konformità mal-Konvenzjoni. Fl-istess ħin, meta rratifikaw il-Konvenzjoni l-Istati parteċipanti daħlu għall-impenn li jagħtu rapport lin-Nazzjonijiet Uniti dwar kemm is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità tikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

3.9

Ir-ratifika tal-Konvenzjoni hija l-ewwel pass fit-triq twila lejn il-bidla fl-attitudni tas-soċjetà fir-rigward tal-persuni b’diżabilità u l-ambjent li jgħixu fih, kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran. Illum il-ġurnata, is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika ta’ ċerti gruppi tal-popolazzjoni, fosthom anke l-persuni b’diżabilità, fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran mhix konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

L-aspett tal-opportunitajiet indaqs fl-iżvilupp reġjonali

3.10

Il-kooperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi msieħba tal-Mediterran għandha rwol importanti fit-titjib tal-ħajja ta’ kuljum tal-persuni b’diżabilità. L-aċċessibbiltà, it-tixrid tal-informazzjoni, il-ħolqien ta’ servizzi għall-persuni b’diżabilità u l-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni għandhom ikunu ħafna aktar effiċjenti milli kienu s’issa. Il-koeżjoni reġjonali fil-livell nazzjonali, li tidher fl-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali kif ukoll fil-forniment tas-servizzi għall-persuni b’diżabilità anke barra ż-żoni urbani, iżżid il-kompetittività tal-pajjiżi msieħba tal-Mediterran.

3.11

Il-fehim reċiproku, inklużi t-tolleranza bejn gruppi differenti ta’ popolazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, għandu jkun il-bażi tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi msieħba tal-Mediterran u r-relazzjonijiet fil-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja.

3.12

Il-vulnerabbiltà taż-żoni rurali tal-Mediterran toħroġ fid-dieher fil-forma ta’ faqar, qgħad, nuqqas ta’ infrastruttura, degradazzjoni tal-ħamrija u eżodu kontinwu miż-żoni rurali. L-Istati għandhom jagħmlu minn kollox sabiex iwaqqfu dan l-iżvilupp negattiv.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabilità u r-rwol soċjali tagħhom

3.13

Fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE jeżistu organizzazzjonijiet ċentrali li jgħaqqdu fi ħdanhom diversi għaqdiet li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabilità. L-eżistenza tal-ogranizzazzjonijiet ċentrali għall-persuni b’diżabilità tgħin lill-gruppi differenti ta’ persuni b’diżabilità jifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ gruppi oħra u jitkellmu b’leħen wieħed fil-kuntest tat-tfassil tal-politiki. Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran għandhom jiġu appoġġjati l-ħolqien u t-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet ċentrali għall-persuni b’diżabilità.

3.14

Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran li ġejjin twaqqfu organizzazzjonijiet ċentrali għall-persuni b’forom differenti ta’ diżabilitajiet: il-Marokk, il-Ġordan, it-Tuneżija u l-Eġittu.

3.15

Handicap International nediet kompetizzjoni għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ biex jinvolvu lill-persuni b’diżabilità fl-attivitajiet tagħhom.

It-Tuneżija u l-Ġordan ġew involuti fil-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP). Il-Ġordan twaqqfet l-Al Hussein Society for the Habilitation and Rehabilitation of the Physically Challenged, organizzazzjoni għall-persuni b’diżabilità fiżika, bħala msieħba tal-UNDP. L-għan tagħha huwa li tippermetti lill-persuni b’diżabilità fiżika jieħdu sehem fil-possibbiltajiet tat-tekonoloġija tal-informazzjoni billi jintramaw postijiet tal-IT li jkunu mgħammra bi programmi speċifiċi tal-kompjuter, fosthom l-applikazzjonijiet grafiċi, u billi jingħata taħriġ fit-teknoloġija tal-informazzjoni.

3.16

L-organizzazzjoni ċentrali internazzjonali għall-persuni b’diżabilità (DPI – Disabled Peoples International), fuq is-sit elettroniku tagħha tindika li qiegħda toħloq fi ħdanha s-sitt reġjun, li jinkludi l-pajjiżi Għarab. Skont l-organizzazzjoni diġà esprimew ix-xewqa li jissieħbu għaxar pajjiżi u l-ħidma preparatorja għandha titlesta f’xahrejn jew tlieta.

4.   It-tgħaqqid tal-karità mal-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità

4.1

Minħabba l-isfond kulturali tar-reġjun tal-Mediterran, it-trattament tal-persuni b’diżabilità u r-rwol tagħhom fis-soċjetà huma influwenzati ħafna mit-twemmin. Id-diversi fehmiet dwar il-kawżi ta’ diżabilità għandhom jiġu sostitwiti b’informazzjoni bbażata fuq ix-xjenza. Dan jgħin biex il-kwistjoni tal-persuni b’diżabilità tiġi indirizzata b’approċċ ibbażat fuq id-drittijiet. Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran hemm it-tendenza li l-attitudni tas-soċjetà fir-rigward tal-persuni li jitwieldu b’diżabilità jew li jsiru diżabbli matul ħajjithom tvarja, u l-persuni li jitwieldu b’diżabilità jew li għandhom diżabilità tidher minn barra huma dawk li jbatu l-aktar. Għalhekk huwa importanti ħafna li tingħata informazzjoni dwar it-tipi differenti ta’ diżabilitajiet u li ssir enfasi fuq il-kompetenzi u l-kapaċitajiet tal-persuni b’diżabilità.

4.2

Fil-Marokk, pereżempju, il-kwistjoni tal-persuni b’diżabilità tikkonċerna, fl-agħar każ, 25 % tal-familji. Fil-każ ta’ diżabilità li tidher, l-aċċess għas-servizzi huwa ħafna aktar diffiċli. Fil-Marokk l-approċċ ibbażat fuq il-karità fis-soċjetà nxtered minħabba r-rwol importanti tar-reliġjon u l-familja. Madankollu, il-prinċipju nobbli li wieħed jgħin lin-nies li għandhom bżonn l-għajnuna mhux biżżejjed biex jiggarantixxi li l-persuni b’diżabilitajiet differenti jew b’mard kroniku jkunu jistgħu jgħixu ħajjithom.

4.3

Flimkien mat-titjib tal-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità permezz tal-karità, jistgħu jsiru sforzi wkoll biex ikomplu jittejbu s-servizzi offruti u l-ambjent li jgħixu fih in-nies. L-għaqdiet tal-persuni b’diżabilità u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma involuti mil-lat soċjali jista’ jirnexxilhom – bl-appoġġ min-naħa tas-soċjetà – jikkomplementaw il-karità permezz ta’ mudell ibbażat fuq id-drittijiet. Il-persuni b’diżabilità għandhom jiġu involuti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp tas-sistema soċjali. Il-Marokk, pereżempju, wieħed jista’ josserva t-tendenza li l-mudell ibbażat fuq il-karità qed jiġi sostitwit minn approċċ li huwa dejjem aktar ibbażat fuq id-drittijiet.

4.4

Bħala eżempju tajjeb ta’ dan it-tip ta’ approċċ fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, fejn l-Istat jew awtorità lokali applikat il-mudell imsemmi, wieħed jista’ jsemmi l-proġetti ta’ Handicap International (HI) fil-Marokk. Handicap International hija organizzazzjoni mhux governattiva li ilha attiva fil-Marokk mill-1993. Skont stħarriġ li sar fl-2004, bil-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali, dwar il-qagħda tal-persuni b’diżabilità, inklużi t-tfal b’diżabilità u l-familji tagħhom, 70 % tal-persuni b’diżabilità m’għandhomx aċċess għall-edukazzjoni u 30 % biss tat-tfal b’diżabilità qed jibbenefikaw mill-edukazzjoni fl-iskola. Ħareġ fid-dieher li l-problema ċentrali hija n-nuqqas ta’ servizzi soċjali, in-nuqqas ta’ speċjalisti u l-fatt li f’50 % tal-każi l-esklużjoni mill-edukazzjoni fl-iskola toħloq attitudni negattiva fis-soċjetà fir-rigward tat-tfal b’diżabilità. Bħala konklużjoni ta’ dan l-istħarriġ ingħataw ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

Is-soċjetà kollha għandha tibdel l-attitudni tagħha lejn il-persuni b’diżabilità.

Għall-perijodu bejn l-2006 u l-2011 tfasslet strateġija governattiva li tinkludi l-Marokk u t-Tuneżija bil-għan li tkabbar l-ispettru ta’ servizzi offruti billi jinħoloq netwerk taċ-ċentri lokali għall-persuni b’diżabilità. Bħalissa l-Marokk hemm madwar 100 għaqda li qed jaħdmu għall-persuni b’diżabilità.

Il-punt ċentrali tal-istrateġija kien it-taħriġ ta’ dawk li jipprovdu servizz (pereżempju, l-iżvilupp ta’ netwerk ta’ fiżjoterapisti bil-kooperazzjoni tal-Ministeru għas-Saħħa).

Il-gruppi interessati lokali kollha għandhom jiġu involuti fil-ħidma tan-netwerk għall-persuni b’diżabilità.

Minbarra l-iżvilupp ta’ miżuri għar-riabilitazzjoni medika, għandu jsir aktar xogħol għat-tixrid lokali u bbażat fuq il-komunità tal-għarfien rilevanti.

4.5

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tat-tfal b’diżabilità u tal-familji li fihom jgħixu persuni b’diżabilità fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran. Il-persuni b’diżabilità u l-familji li jieħdu ħsieb dawn il-persuni, inklużi t-tfal b’diżabilità, għandhom jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet dwar is-servizzi l-ġodda meħtieġa u fil-ħolqien ta’ possibbiltajiet adatti ta’ riabilitazzjoni u servizzi oħra. Fis-sistema attwali tal-għajnuna soċjali u r-riabilitazzjoni, il-familja hija l-imsieħba kemm tal-amministrazzjoni lokali u tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll ta’ dawk li jipprovdu s-servizzi. Hija tressaq proposti għal servizzi, tipparteċipa fit-tfassil tas-servizzi offruti u hija konsulent siewi f’kull kwistjoni marbuta mad-diżabilità. Fin-nuqqas ta’ netwerk żviluppat tas-servizzi, huwa possibbli li jiġi applikat l-approċċ imsemmi fuq il-bażi tar-riabilitazzjoni (community-based rehabilitation, CBR) u li jiġu involuti l-gruppi informali li jappoġġjaw il-persuni b’diżabilità kif ukoll l-assoċjazzjonijiet (persuni ġuridiċi) li jaħdmu għal dan l-objettiv mingħajr skop ta’ qligħ.

L-iżvilupp soċjali u ekonomiku u l-miżuri għat-titjib tal-kundizzjonijiet li jgħixu fihom il-persuni b’diżabilità

4.6

Huwa biss permezz ta’ appoġġ sistematiku u kontinwu li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajjithom ta’ kuljum u jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. Billi d-differenzi fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiżi tal-Mediterran u l-kriżi attwali ftit li xejn iħallu flessibbiltà għall-istabbiliment tas-serivizzi, il-persuni b’diżabilità stess għandhom ikunu attivi fit-tfittxija tas-soluzzjonijiet.

4.7

L-involviment soċjali jirnexxi l-aktar meta jittieħdu azzjonijiet sabiex jinħolqu l-opportunitajiet ta’ impjieg. Hawnhekk għandhom jitqiesu kemm l-opportunitajiet ta’ impjieg fis-suq tax-xogħol ewlieni u miftuħ kif ukoll it-twettiq ta’ xogħol protett u sussidjat. Fl-Unjoni Ewropea ttieħdu passi għat-titjib tal-qagħda tal-impjiegi għall-persuni b’diżabilità permezz ta’ miżuri leġislattivi u tal-applikazzjoni tal-prattiki t-tajba. Fl-okkażjoni tas-Sena Ewropea tal-Persuni b’Diżabilità, fl-2003, l-għaqdiet tal-imsieħba soċjali fl-UE reġgħu enfasizzaw id-dikjarazzjoni konġunta tagħhom dwar il-promozzjoni tal-impjiegi għall-persuni b’diżabilità. Il-ħsieb ewlieni ta’ din id-dikjarazzjoni, li tiffoka fuq il-ħiliet aktar milli fuq id-diżabilitajiet, huwa strument tajjeb sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa għall-promozzjoni tal-impjiegi għall-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, speċjalment permezz tal-intrapriżi fl-ekonomija soċjali.

4.8

Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol tista’ tiġi appoġġjata wkoll mill-ftehim tal-1993 bejn l-Istati Għarab dwar il-promozzjoni tal-impjiegi u r-riabilitazzjoni tal-persuni b’diżabilità. Il-ftehim jenfasizza l-ħtieġa li l-ambjent tax-xogħol ikun aktar aċċessibbli u li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jużaw b’mod adegwat it-trasport pubbliku. Barra minn hekk, issir il-proposta li tiddaħħal kwota ta’ impjiegi għall-persuni b’diżabilità, miżura li diġà ġiet applikata f’xi Stati Membri tal-UE bil-għan li tittejjeb il-qagħda tal-impjiegi għall-persuni b’diżabilità.

4.9

Il-persuni b’diżabilità jridu jagħtu kontribut għas-soċjetà. Però, biex isir dan, irid jinħoloq ambjent adatt li jkun imsejjes fuq id-drittijiet u fuq l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà. Huwa importanti wkoll li tiġi appoġġjata l-ħidma tal-għaqdiet tal-persuni b’diżabilità. L-Istat għandu jieħu ħsieb b’mod sistematiku tan-nies, fosthom dawk b’diżabilità, li huma l-aktar ħolqa dgħajfa tas-soċjetà.

4.10

B’mod ġenerali n-nisa jieħdu sehem attiv fl-implimentazzjoni tal-miżuri biex tittejjeb il-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità, jew b’mod privat fil-familja jew inkella fil-kuntest ta’ azzjonijiet soċjali. Ir-rwol tan-nisa fit-twettiq ta’ dan ix-xogħol għandu jiġi rikonoxxut. Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni tal-miżuri soċjali m’għandhiex taqa’ fuq il-familji biss. Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, ħafna drabi huma n-nisa, jiġifieri l-ommijiet tat-tfal, li jerfgħu l-akbar piż tal-kura fil-familji li fihom jgħixu t-tfal b’diżabilità, u din it-tendenza hija promossa mill-konvinzjoni reliġjuża u l-ispeċifiċitajiet kulturali.

Is-sitwazzjoni ġenerali tan-nisa u t-tfal kif ukoll tal-minoranzi fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran hija deskritta f’rapport dwar l-iżvilupp uman fid-dinja Għarbija (Arab Human Development Report) tal-2002. Skont dan ir-rapport, fl-2000 madwar 53 % tal-nisa kienu illetterati u huwa mbassar li fl-2015 din iċ-ċifra ser tkun għadha 37 %.

4.11

Bħala eżempju tajjeb ta’ programm tas-sigurtà soċjali fir-reġjun tal-Mediterran jistgħu jissemmew il-proġetti ta’ Handicap International (HI). Dawn il-proġetti saru t-Tuneżija biex jiġu żviluppati s-sigurtà soċjali u s-solidarjetà, u fihom ħadu sehem kemm speċjalisti, li huma magħqudin f’netwerk, kif ukoll l-utenti aħħarija, jiġifieri l-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Bejn l-1998 u l-2002 sar il-proġett “Il-prevenzjoni tad-diżabilitajiet tat-tfal” bil-għan li tittejjeb il-kwalità tas-servizzi offruti lit-tfal b’diżabilità billi l-ispeċjalisti jiġu mħarrġin fil-qasam tar-riabilitazzjoni u billi jiġi pprovdut it-tagħmir meħtieġ fiċ-ċentri speċjalizzati. Fil-perijodu ta’ bejn l-1998 u l-2003, fil-qafas ta’ proġett speċifiku twaqqfu żewġ kliniki ta’ riabilitazzjoni kif ukoll ċentru ta’ riabilitazzjoni, workshop ta’ assistenza teknika u żewġ workshops mobbli ta’ tiswija teknika. L-għan tal-proġett imwettaq minn Handicap International fil-Marokk, l-Alġerija u t-Tuneżija bl-isem “Il-promozzjoni tal-awtonomija tal-persuni b’diżabilità fil-Maghreb” kien li jinkoraġġixxi inizjattivi lokali sabiex jippromovi l-integrazzjoni soċjali tal-persuni b’diżabilità u jagħtihom aktar dinjità u fiduċja fihom innifishom. F’dan il-proġett ħadu sehem ukoll il-Ministeru tat-Tuneżija għall-Affarijiet Soċjali u diversi għaqdiet tal-persuni b’diżabilità.

4.12

Eżempju ċar ta’ proġett li l-Unjoni Ewropea wettqet f’pajjiż imsieħeb tal-Mediterran biex tbiddel l-attitudni lejn il-persuni b’diżabilità huwa l-proġett taż-żgħażagħ tal-Euromed (EuroMed Youth Programme), li huwa wieħed mill-pilastri tal-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea maż-żgħażagħ fil-pajjiżi tat-tielet dinja. Dan huwa wieħed mill-programmi reġjonali stabbiliti fit-tielet kapitolu tal-Proċess ta’ Barċellona, li għandu l-għan li jiżviluppa t-taħriġ informali u d-djalogu interkulturali fis-27 pajjiż imsieħeb tal-Euromed. F’qasir żmien in-numru ta’ pajjiżi parteċipanti ser jitla’ għal 37. Il-programm taż-żgħażagħ tal-Euromed huwa inizjattiva konkreta tas-Sħubija Ewro-Mediterranja. Il-mezzi disponibbli fil-kuntest ta’ din l-inizjattiva jistgħu jintużaw biex jittejjeb il-fehim reċiproku fost iż-żgħażagħ fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, biex tiġi promossa d-demokratizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, biex jitqawwa l-kuraġġ ċivili taż-żgħażagħ, speċjalment tan-nisa żgħażagħ, biex jinstema’ aktar il-leħen tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll biex jiġi stimulat l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Dawn il-miżuri jistgħu jwasslu għal bidla fl-attitudni lejn il-persuni b’diżabilità u lejn il-persuni b’mard kroniku. Il-programm ġie stabbilit fl-1999 u jista’ jitqies bħala estensjoni tal-programm taż-żgħażagħ tal-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-reġjun.

5.   “Disinn għal kulħadd” – il-ħolqien ta’ ambjent mingħajr barrieri fir-reġjun tal-Mediterran

5.1

Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, l-istrutturi tal-bini u t-trasport għadhom mhumiex adattati għall-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità. Wieħed m’għandux jinsa li, flimkien mal-persuni b’diżabilità, minn ambjent mingħajr barrieri u faċli għall-utent jibbenefikaw ukoll gruppi soċjali oħra, bħan-nisa bit-tfal, l-anzjani u persuni li jkunu weġġgħu u għal ċertu żmien il-mobilità tagħhom tkun limitata.

5.2

Il-kunċett “Disinn għal kulħadd” ifisser li l-prodotti u l-ambjent li jgħixu fih in-nies jitfasslu b’tali mod li kulħadd ikun jista’ jużahom kemm jista’ jkun mingħajr limiti u mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu adattati jew li tinsab soluzzjoni speċjali. Id-disinn universali huwa effettiv flimkien ma’ objettivi soċjali oħra, u huwa parti minn soluzzjoni olistika.

5.3

Il-prinċipji essenzjali tal-kunċett “Disinn għal kulħadd” li għandhom jitqiesu fit-tfassil tal-ambjent li ngħixu fih huma dawn:

il-gruppi differenti tal-popolazzjoni għandu jkollhom l-istess dritt għall-użu;

fil-kunċett “Disinn għal kulħadd”, il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija importanti ħafna;

użu faċli għall-utent / użu flessibbli – ikun faċli li jiddaħħlu xi bidliet;

sempliċi u intuwittiv – għandha titqies il-loġika tal-utent;

informazzjoni li jifhimha l-utent;

b’saħħtu – l-ambjent maħluq irid jirreżisti għat-tkissir u l-ħsara;

l-ambjent u l-mezzi ta’ għajnuna m’għandhomx jitolbu sforz fiżiku kbir;

l-ambjent maħluq irid ikun spazjuż u adattat biex jintuża min-nies li jużaw tipi differenti ta’ għajnuna.

5.4

Minbarra t-tfassil tal-ambjent fiżiku, l-attitudni tan-nies ukoll għandha rwol importanti. Is-sigurtà tat-traffiku fl-ambjent urban tiddependi ħafna drabi minn kemm l-utenti tat-trasport jagħtu kas tal-utenti l-oħra. Is-sensibilizzazzjoni taqdi rwol importanti immens meta jkun qed jinħoloq ambjent mingħajr barrieri u faċli għall-utent.

5.5

F’xi pajjiżi msieħba tal-Mediterran, fosthom il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija, diġà nħoloq qafas legali dwar l-aċċessibbiltà tal-postijiet pubbliċi. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità tgħid ċar u tond li l-fatt li ma jiġix rispettat il-prinċipju tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità huwa att ta’ diskriminazzjoni. L-aċċess mingħajr barrieri għall-impjiegi u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ukoll huma importanti immens.

5.6

L-użu tat-trasport pubbliku huwa aktar faċli għall-persuni b’diżabilità fil-postijiet fejn jiġi promoss u mmodernizzat it-trasport bil-ferrovija. Fil-Marokk, pereżempju, it-trasport bil-ferrovija huwa żviluppat sew u l-persuni b’diżabilità jistgħu jaqbdu t-tren jekk il-bini tal-istazzjon u l-pjattaformi jkunu aċċessibbli għalihom.

5.7

L-eżempji tajbin tal-aċċess mingħajr barrieri fis-settur tat-trasport u proġetti oħrajn li jsiru fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran fil-qafas tal-inizjattiva “Disinn għal kulħadd” għandhom jiġu enfasizzati.

5.8

Il-Ġordan, pereżempju, ittieħdu xi passi sabiex id-dispożizzjoni legali li jiżguraw l-aċċess tal-persuni b’diżabilità għall-postijiet pubbliċi jiġu rispettati wkoll fil-ħajja ta’ kuljum. Għal dan il-għan l-awtorità amministrattiva tal-agglomerazzjoni ta’ Amman organizzat seduta ta’ jumejn flimkien mal-Kunsill tal-Persuni b’Diżabilità. Huwa mixtieq li jsiru inizjattivi bħal dawn fir-reġjun kollu.

Ambjent mingħajr barrieri bħala xprun għas-settur tat-turiżmu

5.9

Kull sena aktar minn 40 miljun turist iżuru l-pajjiżi msieħba tal-UE fir-reġjun tal-Mediterran. Ambjent mingħajr barrieri u l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-kunċett “Disinn għal kulħadd” jaqdu rwol importanti ħafna fis-settur tat-turiżmu. Il-kumdità u l-aċċessibbiltà huma fatturi importanti li jinfluwenzaw lit-turisti fl-għażla tad-destinazzjoni tal-vaganzi tagħhom. Għalhekk tingħata preferenza lir-reġjuni fejn diġà qed isiru sforzi sabiex jinħoloq ambjent mingħajr barrieri.

5.10

Il-prinċipji tal-kunċett “Disinn għal kulħadd” għandhom jiġu applikati fl-implimentazzjoni tal-proġetti konġunti, b’mod partikolari l-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE. Hija importanti wkoll il-promozzjoni tal-aċċess mingħajr barrieri fil-qasam tat-trasport http://www.euromedtransport.org.

5.11

Ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa rigward l-integrazzjoni sħiħa permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipji tad-“Disinn għal kulħadd” fih sensiela ta’ eżempji tajbin dwar kif il-vantaġġi ta’ ambjent aċċessibbli għal kulħadd jistgħu jintużaw fl-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità. Il-pajjiżi msieħba tal-UE fir-reġjun tal-Mediterran jistgħu jagħmlu użu minn dawn l-eżempji pożittivi.

5.12

Ir-rikonoxximent li ambjent mingħajr barrieri u bbażat fuq il-prinċipji tal-kunċett “Disinn għal kulħadd” għandu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp ekonomiku tas-soċjetà huwa argument importanti biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jibdew jaħdmu għall-ħolqien ta’ ambjent aċċessibbli għal kulħadd, inklużi l-persuni b’diżabilità.

5.13

Fl-applikazzjoni tal-kunċett “Disinn għal kulħadd” għandhom jitqiesu l-bosta ostakli li jiffaċċjaw il-persuni li għandhom diżabilità bis-smigħ u bil-vista. L-ostakli ta’ dan it-tip għandhom jitneħħew sabiex jiġu garantiti l-istess drittijiet għan-nies kollha fir-rigward tal-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi f’kull qasam tal-ħajja.

6.   It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba tal-Mediterran b’rabta mal-persuni b’diżabilità

6.1

F’kull pajjiż imsieħeb tal-Mediterran hemm rappreżentanza tal-Unjoni Ewropea. B’hekk huwa aktar faċli li wieħed isir familjari ma’ oqsma speċifiċi u mal-politika tal-UE. Ir-rappreżentanzi għandhom jagħtu eżempju u jkunu miftuħin għall-għaqdiet tal-persuni b’diżabilità. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li l-bini tar-rappreżentanzi tal-UE, li huwa miftuħ għall-pubbliku, ikun mgħammar b’mod konformi mal-prinċipji tal-kunċett “Disinn għal kulħadd”.

6.2

Sa mit-Trattat ta’ Amsterdam fl-1999, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tal-persuni b’diżabilità hija suġġett importanti għall-UE. Bħalissa qed tiġi diskussa d-direttiva tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u l-KESE ħareġ opinjoni dwarha (6). L-2010 hija s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali u fil-kuntest tal-qagħda soċjali fil-pajjiżi tal-Mediterran, din is-Sena għandha tintuża sabiex tkompli tiġi żviluppata l-kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi. Is-soċjetajiet ċivili u l-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba tal-Mediterran jistgħu jiġu involuti aktar fl-attivitajiet fil-kuntest ta’ din is-Sena Ewropea.

6.3

Is-snin tematiċi Ewropej u inizjattivi oħra bil-għan li jwasslu l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea lil pubbliku akbar jistgħu jintużaw għal skopijet ta’ pubbliċità mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran li huma attivi fil-qasam soċjali u li jindirizzaw il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Il-pubbliċità hija importanti ħafna sabiex tinbidel l-attitudni fis-soċjetà u tittejjeb il-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità u ta’ gruppi żvantaġġati oħra.

6.4

Il-proposta reċenti li, fuq l-eżempju tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, jibda jingħata wkoll it-titlu ta’ Kapitali Ewropea għall-Aċċessibbiltà Universali żgur li għandha tiġi inkluża fil-proċess tal-Euromed sabiex anke l-bliet fil-pajjiżi msieħba jkunu jistgħu jikkompetu għal dan it-titlu.

6.5

Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp jappoġġjaw il-ħolqien ta’ mezzi tekniċi ġodda tal-għajnuna kif ukoll ta’ prodotti u servizzi bbażati fuq l-ICT, u b’hekk jikkontribwixxu biex itejbu l-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità, biex jonqsu l-ispejjeż soċjali u tas-saħħa, biex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, u biex jippromovu l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

6.6

Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-Forum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità (FEPD) u l-għaqdiet tal-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran kif ukoll l-iżvilupp tal-kuntatt dirett bejn l-għaqdiet tal-persuni b’diżabilità fl-Istati Membri tal-UE u dawk fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran għandhom jinfluwenzaw b’mod pożittiv il-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet ċentrali fil-pajjiżi fejn għad m’hemmx dan it-tip ta’ organizzazzjoni.

6.7

Il-Forum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità qed jaħdem flimkien mal-Organizzazzjoni Għarbija tal-Persuni b’Diżabilità, li twaqqfet fil-Kajr fl-1989 bħala organizzazzjoni ċentrali indipendenti tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità f’diversi pajjiżi. Naser Al-Mahmood, President tal-Organizzazzjoni Għarbija tal-Persuni b’Diżabilità, ħa sehem bħala mexxej tad-delegazzjoni fil-laqgħa ġenerali tal-2010 tal-Forum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità f’Madrid. Din il-kooperazzjoni hija importanti ħafna sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-2010 hija s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali.

(2)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 8.

(3)  Bħalissa l-Unjoni għall-Mediterran hija magħmula mis-27 Stat Membru tal-UE u minn dawn il-pajjiżi tar-reġjun tal-Mediterran: l-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Palestina, is-Sirja, il-Libanu, il-Ġordan, il-Kroazja, l-Albanija, il-Montenegro, il-Bosnja-Ħerzegovina, Monako u l-Mawritanja, u l-Libja bħala pajjiż osservatur.

(4)  http://www.un.org/disabilities.

(5)  UNDP.

(6)  ĠU C 182, 04.08.2009, p. 19.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/102


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika tal-UE dwar il-multilingwiżmu” (Opinjoni addizzjonali)

2011/C 48/18

Relatur: is-Sinjura LE NOUAIL MARLIÈRE

Nhar l-14 ta’ Lulju 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(a) tad-Dispożizzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jfassal opinjoni addizzjonali dwar

Il-politika tal-UE dwar il-multilingwiżmu.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-9 ta’ Lulju 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar il-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’145 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1

F’dawn l-aħħar snin, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ressaq żewġ opinjonijiet quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej dwar l-istrateġija Ewropea fil-qasam tal-multilingwiżmu.

1)

L-ewwel opinjoni, intitolata Qafas strateġiku ġdid għall-multilingwiżmu, tittratta t-tfassil ta’ strateġija ġdida ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fl-2005 (1).

2)

It-tieni waħda tfasslet fuq talba għal opinjoni esploratorja mressqa mill-Kummissarju L. Orban fl-4 ta’ Frar 2008, bil-għan li sservi għat-tħejjija ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar Il-multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni  (2).

1.2

Il-politika tal-multilingwiżmu tagħmel parti mill-prijoritajiet politiċi tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-programm tal-Presidenza tiegħu, peress li tikkontribwixxi għat-titjib tal-kompetittività tal-ekonomija, il-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona u t-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea permezz tad-djalogu interkulturali (“l-unità fid-diversità”).

1.3

Il-politika tal-multilingwiżmu definita fl-2006 tinsab fil-fażi tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni; għaldaqstant, l-għan ta’ din l-opinjoni addizzjonali huwa li ssegwi l-iżviluppi fil-qasam u l-miżuri li ttieħdu mill-Kummissjoni u b’mod partikolari mid-DĠ EAC, kif ukoll li tikkompleta u taġġorna r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, speċjalment dwar it-taħriġ tul il-ħajja, it-taħriġ għall-adulti, l-impjiegi u l-impatt ekonomiku, kulturali u soċjali sostenibbli.

2.   Il-multilingwiżmu fl-Ewropa: is-sitwazzjoni attwali

2.1

Il-Kunsill (Edukazzjoni, Żgħażagħ u Kultura) tal-21 ta’ Novembru 2008 adotta xi konklużjonijiet dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll riżoluzzjoni dwar strateġija Ewropea għall-multilingwiżmu  (3).

2.2

Il-Kummissjoni u l-Kunsill żammew bosta proposti mressqa mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

il-promozzjoni tad-diversità fl-użu u l-offerta tat-tagħlim;

il-promozzjoni tal-interkulturalità u tal-lingwi tal-migranti;

it-tixrid tal-lingwi Ewropej fir-relazzjonijiet kulturali mal-pajjiżi terzi;

il-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja u tad-diversità fil-qasam ekonomiku u fl-intrapriżi;

l-appoġġ għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni.

2.3

Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kummissjoni ħolqot żewġ pjattaformi ta’ konsultazzjoni: waħda hija mmirata lejn l-assoċjazzjonijiet u l-NGOs li huma attivi fis-settur tal-edukazzjoni u l-kultura, filwaqt li l-oħra, li hija maħsuba għall-interessi ekonomiċi, jieħdu sehem fiha l-imsieħba soċjali u l-universitajiet (4), kif ukoll il-KESE bħala osservatur.

2.4

Min-naħa tagħhom, mill-2006 ’l hawn, it-trejdjunjins organizzaw jew ħadu sehem f’bosta inizjattivi: konferenzi dwar l-użu tal-lingwi fuq il-post tax-xogħol, sentenzi maħruġa mill-qrati sabiex jiġi rrispettat id-dritt li n-nies jaħdmu bil-lingwa tagħhom u sabiex jiġu miġġielda d-diskrimnazzjonijiet, kooperazzjoni ffukata fuq il-Frankofonija (ftuħ ta’ portal elettroniku Frankofonu mal-ħaddiema tas-settur tal-aeronawtika fil-Québec).

2.5

Il-Kummissjoni bbenefikat minn bosta tweġibiet min-naħa ta’ trejdjunjins (8) lokali u professjonali għall-konsultazzjonijiet pubbliċi tagħha, iżda qabel l-2009 kienet għadha qatt ma kkonsultat direttament lill-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins (KETU).

2.6

Il-KESE ħa sehem fil-Konferenza Ewropea dwar il-Multilingwiżmu li ġiet organizzata f’Berlin f’Ġunju 2009 mill-Osservatorju Ewropew tal-Multilingwiżmu, netwerk assoċjattiv li jiġbor fi ħdanu intrapriżi u universitajiet. Il-KETU u l-imsieħba soċjali tas-settur ħadu sehem ukoll f’din il-konferenza.

2.7

Fil-livell nazzjonali, jista’ jissemma r-rapport annwali dwar l-użu tal-lingwa Franċiża, li ġie ppreżentat lill-Parlament mill-Ministru Franċiż tal-Kultura u l-Komunikazzjoni, fil-qafas tal-liġi numru 94-665 (5) li tipprevedi li għandu jitfassal rapport dwar is-sitwazzjoni tal-Franċiż fil-livell nazzjonali u l-użu tal-Franċiż fl-organizzazzjonijiet internazzjonali. Ir-rapport tal-2009 jagħti stampa tas-sitwazzjoni tal-Franċiż fl-istituzzjonijiet tal-UE u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali bbażati fl-Afrika. Jittratta wkoll l-użu tal-Franċiż u l-multilingwiżmu fis-servizzi pubbliċi, id-dinja tax-xogħol u l-istrateġiji lingwistiċi tal-intrapriżi, il-ħajja soċjali, il-komunità xjentifika, kif ukoll l-illettriżmu, l-integrazzjoni tal-migranti u t-taħriġ tal-impjegati fis-setturi pubbliċi u privati differenti.

2.8

Il-KETU ser tniedi proġett ta’ finanzjament ta’ studju ta’ valutazzjoni u f’din l-okkażjoni ser twaqqaf task force dwar il-lingwi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jittratta bosta aspetti tal-użu tal-lingwa fil-post tax-xogħol:

jinvolvi l-ħaddiema bbażati fuq l-għarfien, l-għalliema u dawk li huma involuti fit-tagħlim tal-adulti, iżda wkoll l-interpreti u t-tradutturi u dawk involuti fil-qasam xjentifiku bit-talbiet speċifiċi tagħhom u dawk ta’ interess ġenerali;

jiddefendi l-użu tal-lingwa nazzjonali fil-post tax-xogħol u r-rispett proporzjonali u bla diskriminazzjoni tal-kriterji tal-għarfien tal-lingwi barranin fix-xogħol;

jeżamina l-vantaġġ ekonomiku li jiksbu l-Istati li l-lingwa tagħhom tintuża l-aktar fil-livell transnazzjonali;

isaħħaħ id-drittijiet ta’ entitajiet bħall-kunsilli tax-xogħol Ewropej li s’issa jibbenefikaw minn bejn wieħed u ieħor għoxrin siegħa biss fis-sena għat-taħriġ fil-lingwi;

jagħti importanza lill-aspetti tas-sigurtà għall-ħaddiema u għall-utenti fir-rigward tal-mezzi li joffrulhom dawk li jħaddmu u l-kundizzjonijiet li jimponulhom b’rabta mar-rikonoxximent tal-kwalifiki, tal-kompetenzi lingwistiċi u tas-salarji.

2.9

Il-Kummissjoni (DĠ EAC) ippubblikat sejħa ristretta għall-offerti mmirata lejn il-parteċipanti tal-pjattaformi ta’ konsultazzjoni li stabiliet, bil-għan li:

jiġu appoġġjati proġetti ta’ servizzi għall-intrapriżi;

jiġi identifikat it-taħriġ meħtieġ għat-tisħiħ tal-kompetenzi lingwistiċi, l-iżvilupp tal-prattika t-tajba u ta’ proposti konkreti;

jiġu żviluppati proġetti li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu integrati l-gruppi “żvantaġġati” bħall-migranti, dawk li telqu mill-iskola qabel il-waqt u l-anzjani;

jixxerdu l-metodi ta’ tagħlim u l-mudelli bbażati fuq it-teknoloġiji l-ġodda;

u b’mod ġenerali jiġu implimentati b’mod konkret il-miżuri adottati fl-istrateġija tagħha u fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.

2.10

Hija ħasra li d-dokumenti ta’ ħidma kollha tal-pjattaformi konsultattivi u tas-sejħa għall-offerti dwar il-promozzjoni tal-multilingwiżmu huma ppubblikati b’lingwa waħda biss. Rakkomandazzjoni Nru 1 lill-Kummissjoni: Il-Kummissjoni għandha tkun eżemplari u effiċjenti u turi ċerta koerenza mal-istratreġija ta’ protezzjoni u ta’ promozzjoni tal-multilingwiżmu mal-akbar numru ta’ ċittadini, billi tirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-parteċipanti tal-pjattaformi konsultattivi li stabbiliet, li huma magħmulin minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u/jew minn imsieħba soċjali, jiġifieri billi tippermettilhom jaħdmu bil-fomm u fir-rigward tad-dokumenti miktubin bil-lingwa tagħhom jew bil-lingwi tal-Unjoni  (6) u għal dan il-għan jużaw tal-anqas tliet lingwi “pivots” jew erbgħa, inkluża tal-anqas lingwa ta’ Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-2004 jew fl-2007.

2.11

Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll il-gwida għall-2010 tal-“Programm għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja” (7) li l-għan speċifiku numru 7 tiegħu jimmira lejn il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika. Dan il-programm jintegra erba’ programmi settorjali: il-COMENIUS, li jikkonċerna t-tagħlim fl-iskejjel; l-ERASMUS, li jikkonċerna t-tagħlim fil-livell universitarju; il-LEONARDO DA VINCI, li huwa maħsub għat-taħriġ vokazzjonali; u l-GRUNDTVIG, li huwa mmirat lejn l-edukazzjoni tal-adulti, b’diversi dimensjonijiet trasversali, inkluża l-“attività ewlenija” numru 2 li tikkonċerna l-lingwi. Minbarra l-Istati Membri tal-UE, il-programm huwa miftuħ għaż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), it-Turkija, il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej, il-Kroazja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fil-kuntest ta’ azzjonijiet fil-fażi tal-miżuri preparatorji u għall-imsieħba ta’ pajjiżi terzi kkonċernati mill-Politika Ewropea tal-Viċinat jew li jirrappreżentaw prijorità partikolari fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ politika strateġika ta’ djalogu fl-edukazzjoni u t-taħriġ jew fil-multilingwiżmu. Il-Kumitat jagħti importanza kbira lil qafas integrat Ewropew ta’ referenza u ta’ assigurazzjoni tal-kwalità tat-taħriġ tul il-ħajja u jħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex jikkonsultaw l-ewwel parti tal-gwida disponibbli. Jistenna b’ħerqa t-tieni parti sabiex isir jaf is-sehem allokat lill-multilingwiżmu, fil-proporzjon u fiċ-ċifri. Rakkomandazzjoni Nru 2: Il-Kumitat jiġbed mill-ġdid l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li minkejja t-titjib li bla dubju twettaq fir-rigward tal-programmi preċedenti, viżjoni globali tkun tista’ tikkontribwixxi sabiex tissemplifika l-fehim tal-gwida ta’ aċċess għall-programmi u l-proċeduri li għadhom kumplessi u b’hekk qajla jistimolaw il-parteċipazzjoni tal-organizzazjonijiet li huma anqas disponibbli għat-tħejjija tal-proċedura u li, irrispettivament mid-daqs jew mill-kapaċità amministrattiva tagħhom, jistgħu jkunu ta’ interess fir-rigward tal-esperjenza jew l-innovazzjoni għall-benefiċjarji mmirati. Ċerti stabbilimenti pubbliċi tat-tagħlim ikkritikaw huma wkoll ir-ristrezzjonijiet relatati mal-proċedura jew mal-organizzazzjoni, li mhumiex adattati tajjeb għan-nuqqas ta’ mezzi amministrattivi li jiffaċċjaw, kif ukoll il-fatt li l-ammonti li l-programmi jallokaw għat-taħriġ tal-interpreti żgħażagħ (mobbiltà, immersjoni) jew ta’ min iħarriġhom mhumiex biżżejjed.

2.12

Ir-rapport annwali dwar l-eżerċizzju tal-2008 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (8) jsemmi EUR 1060 miljun allokati bħala fondi Ewropej għall-edukazzjoni, il-kultura, inkluż il-multilingwiżmu, b’ġestjoni ċentralizzata (aġenzija Ewropea) jew deċentralizzata (aġenziji nazzjonali) u d-diversi kontrolli diretti jew indiretti li saru, minħabba l-għadd kbir ta’ operaturi diretti benefiċjarji, iżda mingħajr ma jidħol fid-dettall dwar is-sehem li miss lill-multilingwiżmu. Għalhekk huwa diffiċli, jew saħansitra impossibbli, li wieħed ikun jaf is-sehem rispettiv tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri, u l-isforzi finanzjarji li saru globalment dwar l-aspetti differenti tal-istrateġija Ewropea għall-multilingwiżmu. Għaldaqstant, l-istrateġija ma tista’ tiġi vvalutata la ex ante u lanqas a posteriori, u l-Kummissjoni tista’ tibda taħseb minn issa sabiex tirrimedja għal dan in-nuqqas. Rakkomandazzjoni Nru 3: tiġi stabbilita stampa ċara tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-isforzi li saru b’relazzjoni mal-multilingwiżmu, ippjanati fil-baġit, imwettqa u pprovduti rispettivament mil-livell Ewropew u dak nazzjonali.

3.   Il-politika u l-multilingwiżmu fil-KESE

3.1

Fil-qafas tas-servizzi konġunti, il-KESE u l-KtR għandhom is-servizz tat-traduzzjoni tagħhom (b’rata ta’ esternalizzazzjoni li s’issa hija ta’ bejn wieħed u ieħor 4 sa 6 %) u jużaw is-servizzi interistituzzjonali tal-Kummissjoni għal dik li hi interpretazzjoni (JICS), li, fi proporzjon ta’ 49 sa 52 %, iħaddmu interpreti freelance li mhumiex uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex jindirizzaw il-varjazzjonijiet staġjonali u jikkunsidraw il-frekwenza tad-domanda ta’ kull istituzzjoni.

3.2

Kemm il-KESE kif ukoll il-KtR iffirmaw Ftehim ta’ Servizzi (Service Level Agreement SLA) li jistipula l-kundizzjonijiet għall-provvediment tal-interpreti mis-SCIC, il-kriterji għall-fatturazzjoni ta’ dawn is-servizzi u r-responsabbiltajiet taż-żewġ partijiet. Il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħlas tal-interpreti li jaħdmu għal rashom huma rregolati minn Ftehim Interistituzzjonali nnegozjat bejn l-istituzzjonijiet Ewropej ikkonċernati u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Interpreti tal-Konferenzi (AIIC).

3.3

Sabiex il-kopertura tal-bżonnijiet lingwistiċi addizzjonali relatati mal-ħdax-il lingwa uffiċjali ġodda (462 kumbinazzjoni lingwistika possibbli), is-servizzi konġunti taż-żewġ kumitati ħolqu sistema ta’ lingwi pivots  (9) wara d-dħul ta’ Stati Membri ġodda fl-2004 u fl-2007. Barra minn hekk, is-Segretarji Ġenerali taż-żewġ kumitati adottaw kodiċi ta’ kondotta għat-traduzzjoni fil-25 ta’ Mejju 2010, li permezz tagħha, b’kunsiderazzjoni partikolari tan-natura speċifika tad-dokumenti ppubblikati mill-assembleji u l-amministrazzjonijiet rispettivi, jistgħu jiġu stabbiliti l-prijoritajiet u l-iskadenzi.

3.4

Is-servizzi lingwistiċi, li jixtiequ jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam lingwistiku bejniethom u mal-membri, ħejjew abbozz ta’ fuljett ta’ tagħrif maħsub għall-membri u r-relaturi. B’mod partikolari, dan il-fuljett ifakkar li jeżisti servizz lingwistiku ppersonalizzat li jista’ jgħin lir-relaturi waqt it-tfassil tal-verżjoni oriġinali tad-dokumenti, l-aktar meta d-dokumenti ma jitfasslux bil-lingwa materna tar-relatur. Dan id-dispożittiv, flimkien mal-possibbiltà li d-dokumenti jerġgħu jinqraw qabel ma jintbagħtu lis-servizzi tat-traduzzjoni, iwasslu għal titjib fil-kwalità tad-dokumenti u b’hekk ikun hemm titjib ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-tradutturi u l-iskadenzi jkunu jistgħu jiqsaru.

3.5

Din il-kooperazzjoni mtejba, maħsuba sabiex ir-relaturi, il-membri u t-tradutturi jingħataw servizz u kundizzjonijiet aħjar, fuq perijodu ta’ daqs medju għandha tinkludi l-membri fi grupp ta’ kuntatt li jinvolvi lill-membri jew lir-rappreżentanti tagħhom, minbarra l-kuntatti li diġà jeżistu bejn is-servizzi tat-traduzzjoni, is-servizzi amministrattivi u s-Segretarjati Ġenerali, sabiex issir riflessjoni globali, neċessarja, trasparenti u fuq perijodu aktar twil dwar politika lingwistika li hija partikolari għall-Kumitati, inklużi l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi (Rakkomandazzjoni Nru 4).

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-konsultazzjoni tal-AIIC (Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Interpreti tal-Konferenzi) u tal-Union Syndicale (trejdjunjin tal-uffiċjali Ewropej) turi li l-organizzazzjonijiet mhux biss iħarsu l-interessi tal-professjonisti impjegati jew indipendenti rigward il-problemi ta’ kwantità ta’ persunal u ta’ ħinijiet kif ukoll tal-kundizzjonijiet materjali (spazju ta’ xogħol u kabini), iżda jaqdu wkoll funzjoni ta’ regolazzjoni tal-professjoni. Fuq il-bażi tal-ftehimiet innegozjati mal-istituzzjonijiet Ewropej, l-interpreti tal-konferenzi jgawdu mill-istess drittijiet u trattament tal-uffiċjali li jokkupaw l-istess funzjonijiet, bid-differenza li l-interpreti freelance igawdu minn din l-ugwaljanza biss għall-ġranet li jkunu ħadmu u għal kull missjoni individwali, u fil-prattika dan iġib miegħu xi differenzi. Madankollu, il-ftehimiet jipprevedu wkoll standards ta’ kwalità għas-servizzi pprovduti u l-interpreti li huma membri tal-AIIC għandhom id-drawwa jinnegozjaw għat-tim kollu, meta l-interpreti li jissejħu mill-istituzzjonijiet għal xi missjoni partikolari jkunu membri tal-assoċjazzjoni. S’issa, minħabba r-rwol ewlieni li jaqdu fit-tiswir tal-opinjonijiet pubbliċi, l-istituzzjonijiet Ewropej kellhom rwol pożittiv li jikkomplementa lil dak tal-AIIC fir-rigward tan-normi soċjali u professjonali tal-professjoni.

4.2

Fil-kuntest tad-diversifikazzjoni tad-domanda, jidher li ċerti prattiki evolvew ma’ numru ta’ klijenti li m’humiex daqshekk rigorużi fir-rigward tal-istandards ta’ akkreditazzjoni u kwalità u anki jaċċettaw il-provvista ta’ “kabini b’servizz komplut”, fejn il-fornitur jikri l-materjal (il-kabini u l-apparat tas-smigħ) kif ukoll is-servizz tal-interpreti fl-istess fattura. Dan ifisser li hemm:

kiri illegali ta’ persunal kif ukoll qligħ ta’ kummissjoni illegali (l-intrapriża mhijiex iddikjarata bħala aġenzija ta’ sekondar tal-persunal u la l-liġi Ewropea u lanqas il-konvenzjonijiet internazzjonali ma jippermettu li jsiru kummissjonijiet fuq is-salarji);

l-ebda monitoraġġ tal-kwalità tas-servizzi pprovduti li jiddikjaraw li huma ta’ standard Ewropew, li jista’ jimplika b’mod qarrieqi l-użu ta’ servizzi ta’ interpreti mħarrġa mill-istituzzjonijiet.

4.3

Fir-rigward tal-istituzzjonijiet, l-AIIC ġibdet l-attenzjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Interpretazzjoni għal ċerti sejħiet għall-offerti li jsiru minn żmien għall-ieħor mid-DĠs tal-Kummissjoni biex jiksbu servizzi ta’ konferenza, li kultant jinkludu servizzi ta’ interpretazzjoni, li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Ftehim. Wara li kkonsultat is-Servizz Legali, id-DĠ għall-Interpretazzjoni infurmat lid-Direttorati Ġenerali l-oħra tal-Kummissjoni dwar din l-azzjoni.

4.4

Il-professjoni tal-interpreti mhijiex regolata. L-AIIC, f’dan il-kuntest, turi li jekk tinġibed l-attenzjoni dwar id-diversifikazzjoni tad-domanda (l-intrapriżi, is-settur soċjali, eċċ.) jista’ jkun neċessarju li titnieda diskussjoni dwar il-promozzjoni tal-professjoni billi jiġu stabbiliti kriterji ċari għall-użu tat-titlu ta’ interpretu (diploma ta’ studji ta’ livell universitarju, kriterji professjonali u ta’ esperjenza, eċċ.) sabiex jiġi evitat l-impatt negattiv fuq il-professjoni tal-interpreti inġenerali u sabiex l-utent jew il-klijent jiġi protett mill-prattiki abbużivi (fatturi għoljin għal servizzi ta’ kwalità aktar baxxa minn dik imwiegħda). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ tniedi konsultazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew (Rakkomandazzjoni Nru 5). Barra minn hekk, l-impjegati tal-istituzzjonijiet u l-freelance li ġew ikkonsultati – kemm interpreti kif ukoll tradutturi – jaqblu bejniethom dwar il-ħtieġa li tiġi promossa immaġni pożittiva u attraenti ta’ dawn iż-żewġ professjonijiet sabiex ikun jista’ jiġi sodisfatt il-bżonn ta’ tiġdid tal-persunal fuq perijodu ta’ daqs medju u fit-tul.

4.5

Il-Parlament Ewropew għandu s-servizzi tiegħu fiż-żewġ oqsma u għandu kodiċi ta’ kondotta (10). Fl-istess ħin, jaqdi 40 % tal-bżonnijiet tiegħu billi jsejjaħ lil professjonisti freelance, li fil-qasam tat-traduzzjoni rrappreżentaw l-ispiża ta’ EUR 22 miljun fl-2010.

4.6

Fil-kuntest tas-sistema lingwistika tal-istituzzjonijiet, il-Qorti tal-Awdituri ħarġet żewġ rapporti speċjali (11) dwar l-ispejjeż tal-interpretazzjoni (RS 5/2005) u t-traduzzjoni (RS 9/2006) tal-PE, il-Kummissjoni u l-Kunsill.

5.   Sistemi lingwistiċi u diversità kulturali wara t-Trattat ta’ Lisbona

5.1

Apparti n-numru ta’ lingwi u l-qafas lingwistiku għat-trażmissjoni ta’ abbozzi ta’ atti leġislattivi lill-parlamenti nazzjonali (Protokoll Nru 1, Artikolu 4), it-Trattat ta’ Lisbona ma bidilx is-sistema lingwistika tal-Unjoni Ewropea b’mod sostanzjali, iżda kkonferma l-għan li tiġi rrispettata d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea (12).

5.2

Ir-regoli dwar il-lingwi tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li hemm fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ser jiġu determinati mill-Kunsill, li ser jaġixxi b’mod unanimu permezz ta’ regolamenti (Artikolu 342 TFUE, li qabel kien Artikolu 290 TKE). Ir-regoli dwar il-lingwi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea wkoll huma determinati mill-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu (Protokoll Nru 3, Artikolu 64). L-Artikolu 3 TUE (li qabel kien Artikolu 2 TUE) jistipula, inter alia, li l-Unjoni “għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika u għandha tiżgura li l-patrimonju kulturali Ewropew jiġi mħares u żviluppat”.

5.3

L-Artikolu 55 TUE (li qabel kien Artikolu 53 TUE) jistabbilixxi l-lingwi li bihom huwa abbozzat u tradott it-Trattat. Id-dikjarazzjoni nru 16, miżjuda mal-Artikolu 55 (2) tat-Trattat TUE, tistipula li “il-Konferenza tikkunsidra li l-possibilità li t-Trattati jiġu tradotti fil-lingwi previsti fl-Artikolu 55 (2) (13) tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-objettiv previst fl-Artikolu [I-3(3), ir-raba’ subparagrafu] li jipprevedi li l-Unjoni tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha. F’dan il-kuntest, il-Konferenza tikkonferma r-rabta tal-Unjoni mad-diversità kulturali tal-Ewropa u l-attenzjoni speċjali li ser tkompli tagħti lil dawn u lil lingwi oħrajn”.

5.4

Skont l-intestatura Non-diskriminazzjoni u Ċittadinanza tal-Unjoni (it-tieni parti tat-Trattat TFUE), iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt li jindirizzaw l-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi tal-Unjoni fi kwalunkwe lingwa tat-Trattat u jirċievu risposta bl-istess lingwa (Artikolu 20 TFUE, li qabel kien Artikolu 17 TKE).

5.5

Fil-Kapitolu XII, Edukazzjoni, taħriġ vokazzjonali, żgħażagħ u sport, “l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġja u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għalkollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom” (Artikolu 165 TFUE, li qabel kien Artikolu 149 TKE).

5.6

Fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, l-Artikolu 207 TFUE (li qabel kien Artikolu 133 TKE) il-punt 4 jistipula li “il-Kunsill għandu wkoll jaġixxi b’mod unanimu għan-negozjati u għall-konklużjoni ta’ ftehim: a) fil-qasam ta’ kummerċ f’servizzi kulturali u awdjoviżivi, fejn hemm ir-riskju li dan il-ftehim jippreġudika d-diversità kulturali u lingwistika; […]”.

5.7

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tinkludi l-lingwa fil-lista tar-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni u tipprojbixxi “kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali” (Artikolu 21) u tfakkar fl-Artikolu 22 tagħha li “l-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika”.

5.8

F’dan ir-rigward, il-KESE wkoll għandu d-dmir li jagħti prijorità lill-kontenut qabel il-forma u, qabel ma ssir kwalunkwe modifika tas-sit elettroniku tiegħu, għandu jiżgura li l-paġni u d-dokumenti kollha diġà huma tradotti fil-lingwi Ewropej. L-ispejjeż li jintefqu fuq it-tibdiliet ta’ preżentazzjoni jistgħu jinqasmu mas-servizzi lingwistiċi li l-kompitu tagħhom, qabel is-servizzi l-oħra kollha, hu li jikkomunikaw (Rakkomandazzjoni Nru 6).

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2005) 596 tat-22 ta’ Novembru 2005. ĠU C 324, 30.12.2006, p. 68 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  COM(2008) 566 tat-18 ta’ Settembru 2008. ĠU C 77, 31.3.2009, p. 109.

(3)  Riżoluzzjoni 2008/C320/01.

(4)  “Il-pjattaforma tal-intrapriżi għall-multilingwiżmu”.

(5)  Liġi tal-4.8.1994 dwar l-użu tal-lingwa Franċiża.

(6)  Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari “L-Unjoni tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika”.

(7)  http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-programme/doc78_en.htm - “The Lifelong Learning Programme: education and training opportunities for all” (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 269, 10.11.2009.

(9)  2009-106 tat-23.11.2009.

(10)  PE 413.599/BUR tat-18.11.2008.

(11)  ĠU C 291, 23.11.2005 u ĠU C 284, 21.11.2006.

(12)  Ara wkoll: PE 431.591.0 “Studju dwar il-politiki strutturali u ta’ koeżjoni wara t-Trattat ta’ Lisbona”, 15.02.2010.

(13)  Jiġifieri ‘fi kwalunkwe lingwa oħra kif determinat minn Stati Membri fost dawk li, skont l-ordni kostituzzjonali tagħhom, jgawdu status uffiċjali fit-territorju kollu tagħhom jew f'parti minnu’.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-465 sessjoni plenarja fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010

15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/107


Opinjoni

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

dwar

“Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-tielet reviżjoni strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea

COM(2009) 15 finali

Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni – Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea – Anness mat-tielet Reviżjoni Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar

COM(2009) 16 finali

Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni – It-tielet rapport ta’ progress dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju”

COM(2009) 17 finali

2011/C 48/19

Relatur: is-Sur CAPPELLINI

Korelatur: is-Sinjura ANGELOVA

Nhar il-15 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – It-Tielet reviżjoni strateġika ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea

COM(2009) 15 finali,

Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni – Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi fl-Unjoni Ewropea – Anness mat-tielet Reviżjoni Strateġika għal Regolamentazzjoni Aħjar

COM(2009) 16 finali u

Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni – It-tielet rapport ta’ progress dwar l-istrateġija għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju

COM(2009) 17 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Lulju 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (sessjoni tal-15 ta’ Settembru) il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’103 voti favur, u 2 astensjonijiet.

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-intrapriżi u s-soċjetà ċivili jeħtieġu qafas legali li huwa faċli biex jinftiehem u biex jiġi applikat. L-inizjattiva Regolamentazzjoni Aħjar tgħin biex tiżdied il-kompetittività billi jitneħħew l-ispejjeż mhux neċessarji u l-piżijiet ta’ dan il-qafas legali.

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ din il-politika, u jqis li l-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar hija mod kif jiġu appoġġjati n-negozji matul dawn iż-żminijiet ta’ kriżi ekonomika, mingħajr ma jiġġarrbu spejjeż u investimenti addizzjonali.

1.2

L-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar għandha ssaħħaħ il-kwalità, il-koerenza u t-twettiq ta’ rispons legali proporzjonat u mmirat għall-fallimenti tas-suq u l-aġenda UE 2020. Dan jista’ jinkiseb billi tinqata’ r-regolazzjoni mhux neċessarja iżda fl-istess waqt dan ma jfissirx deregolazzjoni kompleta (1). L-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar għandha l-għan li tagħmel ir-regoli sempliċi, faċli biex jiġu implimentati u b’inqas spejjeż għall-utenti u min iħallas it-taxxa. Għandha wkoll tippromovi deċiżjonijiet effettivi li jsiru malajr, implimentazzjoni effettiva u l-proċeduri għandhom jiġu ssorveljati sabiex tiġi żgurata responsabbiltà sħiħa.

1.3

L-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar għandha titqies bħala politika unika u koerenti li tħaddan fiha sensiela sħiħa ta’ prinċipji, bħall-priniċpju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” tas-Small Business Act, u l-użu tal-“Eżami tan-Negozji ż-Żgħar” b’mod iktar regolari u sistematiku milli qed isir bħalissa. Il-KESE jipproponi li l-politika għandha tkun komprensiva u konsistenti u li tuża b’mod iktar sistematiku l-partijiet interessati għal dan il-għan. Il-konsultazzjonijiet għandhom jissejsu fuq prijoritajiet trasparenti u jkunu awtentiċi, inklużivi u konsegwenzjali.

1.4

L-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar tkun aktar effettiva li kieku kienet inqas teknokratika u iktar informata permezz ta’ parteċipazzjoni wiesgħa mis-soċjetà ċivili fil-livell kollha tal-attività regolatorja. L-evalwazzjonijiet tal-impatt għandhom jitressqu quddiem il-KES fil-livell nazzjonali u tal-UE fiż-żmien propizju u għandha tkun disponibbli bażi ta’ evidenza sħiħa. Ir-regolamenti tal-UE jibbenefikaw mis-soluzzjonijiet innovattivi, is-sensibilizzazzjoni akbar u l-leġittimità li joriġinaw minn dawn l-istudji.

1.5

Bidla minn Direttivi għal Regolamenti għandha ttejjeb ħafna t-trasparenza, l-implimentazzjoni u l-infurzar. Ħafna problemi regolatorji jsiru matul it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri m’għandhomx jiddupplikaw jew jikkumplikaw il-leġislazzjoni tal-UE u għandhom jiġu ssorveljaati mill-qrib għal dan il-għan mill-Kummissjoni u mill-imsieħba soċjali kollha (2).

1.6

Il-Kumitat jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tindirizza l-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar fl-użu u l-amministrazzjoni tal-fondi Ewropej mill-Istati Membri, b’mod speċjali billi jiġi evitati regoli nazzjonali u proċeduri amministrattivi mhux neċessarji jew żejda li jxekklu l-allokazzjoni adatta u rapida ta’ dawn ir-riżorsi (3).

1.7

Din l-istrateġija tista’ tiġi appoġġjati mill-KESE bħala rappreżentant tas-suċċessi kif ukoll l-isfidi tal-politika għas-soċjetà ċivili u korpi oħrajn. Dan jista’ jipprovdi evidenza tanġibbli tar-rwol tal-KESE fid-demokrazija parteċipattiva deskritta fl-Artikolu 11 tat-Trattat ta’ Lisbona (4).

2.   Regolamentazzjoni Aħjar: Preżentazzjoni

2.1

Ir-regolamentazzjoni hija strument ċentrali tal-politika tal-UE. L-istrumenti legali tal-UE rriżultaw fis-Suq Uniku Ewropew, kompetittività msaħħa u għażla u protezzjoni iktar wiesgħa għall-konsumatur, spejjeż iktar baxxi marbuta mat-tranżazzjonijiet, ħarsien ambjentali u firxa wiesgħa ta’ benefiċċji oħrajn għan-negozji u ċ-ċittadini tal-UE. Ipprovdew ukoll ċertezza legali fis-suq billi biddlu firxa wiesgħa ta’ regoli nazzjonali ma’ sensiliet ċari ta’ regoli komuni li n-negozji jistgħu jadattaw ruħhom għalihom u jikkonformaw magħhom, u li ċ-ċittadini, l-impjegati u l-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw minnhom madwar l-Ewropa.

2.2

Is-suċċess ta’ riforma regolatorja żied id-domanda għal regolamentazzjoni l tindirizza r-riskji mhux ekonomiċi. Waqt li l-użu tar-regolamentazzjoni sabiex jintlaħqu l-objettivi soċjali mhux ġdid fl-Istati Membri, l-iżvilupp ta’ mġiba regolatorja fil-livell tal-UE jippreżenta problemi ta’ implimentazzjoni, irduppjar, “gold-plating” u nuqqas ta’ fehim. Ir-regolamenti jistgħu wkoll ixekklu l-użu ta’ għodod mhux regolatorji. Il-kredibilità tal-UE tiddependi mit-twettiq ikkoordinat tal-politiki tagħha, u għaldaqstant, attwalment, strateġija dwar Regolamentazzjoni Aħjar hija vitali.

2.3

L-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar għandha ssaħħaħ il-kwalità, il-koerenza u t-twettiq ta’ rispons legali proporzjonat għall-fallimenti tas-suq, billi s-swieq mhux dejjem jipprovdu l-aħjar riżultati possibbli, u ġieli jonqsu milli jirriflettu l-ispejjeż esterni kollha. L-allokazzjoni fqira tar-riżorsi li tirriżulta minn dan trid tiġi indirizzata billi jitħarsu b’mod effettiv l-interessi tal-utenti ewlenin (bħall-konsumaturi, il-ħaddiema u n-negozji ż-żgħar u ta’ daqs medju), jiġu indirizzati r-riskji ewlenin (ambjentali u dawk marbuta mas-saħħa, is-sikurezza u ħtiġijiet soċjali), waqt li jinżammu bis-sħiħ il-kompetittività u l-ispirtu intraprenditorjali. B’hekk, din l-istrateġija qatt m’għandha titqies bħala ugwali għad-deregolazzjoni, anke meta għandha l-għan li tisemplifika r-regoli, tagħmilhom aktar faċli biex jiġu implimentati u b’inqas spejjeż għall-utenti u min iħallas it-taxxa. L-istat tad-dritt huwa l-pedament ta’ kull soċjetà organizzata, iżda jekk jitfassal b’mod ħażin jista’ jxekkel it-tħaddim tiegħu u jwassal għal trattament mhux ugwali għaċ-ċittadini, il-ħaddiema un- negozji.

2.4

Hija vitali konsultazzjoni adatta. Regolament imfassal tajjeb u mmirat kif għandu jkun jagħti ċertezza billi jiżgura ċ-ċarezza u l-konsistenza fir-regoli kif ukoll billi jiffaċilita l-konformità u l-infurzar. Irid Ifisser l-objettivi tiegħu u l-modi l-iktar effettivi, bl-inqas piż u l-iktar irħas biex dawn jintlaħqu. Bażi ta’ evidenza mtejba li tuża firxa wiesgħa ta’ indikaturi tista’ tgħin, iżda ħafna politiki ma jistgħux jiġu ġġudikati skont dan biss. Konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati u l-esperti taqdi rwol vitali fil-ħolqien ta’ bilanċ bejn it-twettiq tal-għanijiet ta’ politika u l-limitar tal-piż amministrattiv għan-negozji u l-individwi. Jekk dan il-bilanċ ma jinstabx, nistgħu nsibu ruħna b’regoli kumplessi li huma diffiċli biex jintużaw, biex wieħed jikkonforma magħhom u biex jiġu infurzati, u jinvolvu spejjeż sproporzjonati. Konsultazzjoni aħjar għandha tissensibilizza l-pubbliku inġenerali u għalhekk ittejjeb l-applikazzjoni.

3.   L-azzjonijiet tal-Kummissjoni

3.1

It-Tielet Rapport ta’ Progress tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tagħha tal-2005 (5), janalizza l-progress li sar biex tittejjeb il-leġislazzjoni attwali, jitnaqqas il-piż amministrattiv għan-negozji u l-individwi, u jiġu ankrati inizjattivi ġodda li jippromovu kultura regolatorja aktar effettiva.

3.2

Ir-rapport juru l-prestazzjoni u l-miri ġodda għall-proċess ta’ aġġornar, modernizzar u semplifikazzjoni (6). Il-Komunikazzjoni tagħmel stima li s-semplifikazzjoni fit-13-il qasam ta’ prijorità identifikati fl-2007 se tnaqqas bejn EUR 115 u 130 biljun fi spejjeż amministrattivi. L-eżenzjonijiet għall-SMEs minn rappurtaġġ statistiku ser jiffrankaw aktar minn EUR 200 biljun mill-2010 ’l quddiem. It-tneħħija tal-ostakoli għall-fatturazzjoni elettronika stabbilita fid-Direttiva tal-VAT u l-ħolqien ta’ ambjent fejn ma tintużax karta fid-dwana tal-UE ser iwasslu wkoll għal iffrankar sinifikanti.

3.3

Ir-rapport jenfasizza kif l-evalwazzjonijiet tal-impatt integrati jtejbu l-kwalità u l-koerenza tal-qafas legali tal-UE. Dan il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni tal-impatt ser jittejjeb u jissaħħaħ dejjem iżjed. Ir-rapport jenfasizza wkoll il-bżonn li l-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar issir prijorità fil-livelli kollha fl-UE u fl-istituzzjonijiet u l-korpi kollha. Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri biex itejbu l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja hija wkoll essenzjali, minkejja li s’issa sar progress limitat. Ir-rapport jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal kooperazzjoni iktar mill-qrib mal-imsieħba kummerċjali tal-UE u għal konverġenza fl-istabbiliment ta’ regolament globali billi ssir influwenza fuq it-tfassil tal-aġenda tal-G-20 f’dan il-qasam.

3.4

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati tal-Kummissjoni u l-prijoritajiet ġodda tagħha biex issaħħaħ l-effikaċja. L-impenn biex titwettaq din il-politika jikkontribwixxi għall-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi, u b’hekk jgħin fl-irkupru ekonomiku, iżda jeħtieġ li jsir djalogu b’mod iktar urġenti u iktar wiesgħa ma’ dawk li jibbenefikaw minn dawn il-politiki.

4.   Regolamentazzjoni Aħjar u t-tfassil tal-politika tal-UE

4.1

L-inizjattiva Regolamentazzjoni Aħjar hija politika sħiħa u matura. L-għan tagħha huwa li tnaqqas il-piż għan-negozji u tittrasforma t-tfassil tal-leġislazzjoni f’għodda effettiva biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-soċjetà b’mod proporzjonat u prattiku, billi taġixxi b’mod komprensiv u kkoordinat. Għandha tħaddan sensiela sħiħa ta’ prinċipji, bħall-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” tas-Small Business Act, tagħżel il-prijoritajiet b’mod trasparenti u f’kooperazzjoni mill-qrib u konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati, tieħu deċiżjonijiet effettivi malajr u tissorvelja l-implimentazzjoni u l-proċeduri sabiex tiġi żgurata responsabbiltà sħiħa.

4.2

L-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar trid tiġi segwita b’mod iktar koerenti u komprensiv, peress li inizjattivi iżolati ma joħolqux valur miżjud. Il-Komunikazzjoni tipprovdi deskrizzjoni tal-azzjonijiet tagħha u pjani speċifiċi iżda tonqos milli tipprovdi ħarsa ġenerali ta’ kif dawn il-pjani jinteraġixxu u jirrispondu għan-nuqqasijiet identifikati fl-aġenda oriġinali (7). Sabiex din l-istrateġija tkun koerenti trid tipprovdi iktar ċarezza dwar kif inhi mfassla. Il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u b’mod partikolari l-Kummissjoni fejn il-prestazzjoni tista’ tvarja, għandhom isolvu din il-kwistjoni flimkien.

4.3

It-titjib fil-leġislazzjoni attwali jinvolvi iktar minn sempliċement jitqassru l-Ġurnal Uffiċjali u l-għadd ta’ atti leġislattivi. Għaldaqstant il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni favur approċċ iktar integrat li jindirizza l-irduppjar, il-leġislazzjoni skaduta, il-lakuni, l-inkonsistenzi u fuq kollox, it-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi (8). L-oqsma ewlenin f’dan il-qasam huma t-tnaqqis effettiv ta’ rekwiżiti ta’ informazzjoni jew ta’ żvelar, b’mod partikolari għall-SMEs, f’oqsma bħall-istatistika, il-VAT jew il-liġi tal-kumpaniji. Il-KESE jappoġġja l-prinċipju ġenerali tal-approċċ il-ġdid sabiex tiġi semplifikata, aġġornata u mtejba l-leġislazzjoni attwali.

4.4

Il-KESE jilqa’b’sodisfazzjon l-iskrutinju li sar fil-kuntest tal-proċess tal-evalwazzjoni tal-impatt peress li jwassal għal evalwazzjoni iktar komprensiva tal-ħtieġa għal regoli ġodda. Il-KESE jfaħħar ukoll il-Bord tal-Evalwazzjoni tal-Impatt għall-kwalità ta’ xogħolhom. Skrutinju indipendenti minn dan il-korp, flimkien mat-trasparenza tiegħu u konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati, huma vitali għal tfassil aħjar tal-liġijiet. Il-KESE japprova t-titjib li huwa ppjanat li jseħħ bis-saħħa ta’ din il-linja ta’ azzjoni.

4.5

Madankollu, il-kompletar tal-proċess ta’ kontroll tal-Kummissjoni jitlob b’mod ċar konklużjoni politika għal din il-kwistjoni (9). Din il-kwistjoni qatt ma tissemma fil-Komunikazzjoni, u dan iqajjem dubji dwar jekk il-Kummissjoni tqisx li diġà wettqet din il-ħidma.

5.   Regolamentazzjoni Aħjar fl-Istati Membri

5.1

Il-KESE jinnota, u jinsab imħasseb, li qed jaqgħu lura l-pjani biex jiġu kkoordinati sforzi mal-Istati Membri. Dan inaqqas l-effikaċja tal-inizjattiva. L-Istati Membri jridu jagħmlu evalwazzjonijiet tal-impatt qabel ma jiġu adottati r-regolamenti, meta dan ikun possibbli – kull meta jiġu introdotti bidliet sostanzjali, u l-korpi nazzjonali tal-evalwazzjoni tal-impatt tagħhom iridu jkunu iktar involuti fid-diskussjonijiet fuq fil-livell tal-UE. Il-koordinament ta’ programmi nazzjonali sabiex titnaqqas il-burokrazija huwa vitali u kull dewmien fit-twettiq ta’ dan jhedded il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea. Il-promozzjoni ta’ dan il-programm għandha tiġi kkunsidrata bħala kwistjoni ta’ interess komuni.

5.2

Regolamentazzjoni Aħjar m’għandhiex twassal biss għal titjib fil-ħolqien ta’ liġijiet jew il-prevenzjoni ta’ inflazzjoni leġislattiva. Għandha tirrifletti fuq modi alternattivi kif nilħqu riżultati simili billi nippromovu l-koregolamentazzjoni u l-użu iktar estensiv ta’ kodiċi ta’ kondotta permezz ta’ metodi deliberattivi (10). L-istandardizzazzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi tipprovdi eżempji ta’ prattika tajba fl-indirizzar ta’ din il-kwistjoni kumplessa mingħajr il-bżonn ta’ direttivi ta’ armonizzazzjoni goffi li ma jlaħħqux mal-ħtiġijiet tal-konsumaturi u tan-negozji. Is-suċċessi fil-prodotti industrijali għandhom jiġu riflessi f’attivitajiet oħrajn, b’mod partikolari fis-servizzi (11).

5.3

Waqt li l-Kummissjoni tonqos milli tippromovi attività komplementari bħal din, il-lakuna leġislattiva qed timtela minn għadd dejjem jiżdied ta’ regoli nazzjonali, u dawn inaqqsu l-koerenza tas-Suq Intern. Leġislazzjoni nazzjonali ambigwa għandha tiġi evitata. F’dan ir-rigward, għandhom jitħeġġu l-iskambju tal-aqwa prattiki u t-twaqqif ta’ punti ta’ riferiment bejn l-Istati Membri. Tfassil aħjar tal-liġijiet jista’ jwassal għal benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini biss jekk l-awtoritajiet nazzjonali jkunu involuti bis-sħiħ fil-proċess. It-traspożizzjoni trid tħares l-ispirtu tas-semplifikazzjoni u tfassil imsaħħaħ tal-liġijiet billi twaqqaf l-introduzzjoni mill-ġdid u b’modi diżonesti ta’ ostakoli u piżijiet.

5.4

Wisq ta’ sikwit, flimkien mas-suċċessi tas-Suq Intern insibu wkoll l-ostakoli li jinħolqu fil-livell nazzjonali. Ir-riżultati tal-proċess tat-tqabbil juru li “proporzjon sinifikanti ħafna tal-piżijiet amministrattivi jidhru li huma r-riżultat ta’ prattiċi amministrattivi pubbliċi u privati ineffiċjenti (bejn 30 u 40 %”) (12). Iżda l-Komunikazzjoni ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni dwar dawn il-prattiki u lanqas ma jiġu previsti miżuri li jagħmlu tajjeb għal dawn l-azzjonijiet mhux mixtieqa. Il-KESE huwa mħasseb li l-impożizzjoni ta’ rekwiżiti addizzjonali permezz tat-traspożizzjoni ta’ direttivi fil-liġi nazzjonali tista’ ddgħajjef l-infurzar ta’ regoli komuni madwar is-Suq Intern. Il-KESE jemmen li jrid isir iktar fil-livell tal-UE biex titnaqqas il-possibilità li piżijiet potenzjali jiġu introdotti mill-awtoritajiet nazzjonali. Jidher li huwa essenzjali approċċ iktar komprensiv għal Tfassil Aħjar tal-Liġijiet li jinvolvi mill-qrib l-awtoritajiet nazzjonali, korpi privati u partijiet interessati. Id-direttivi m’għandhomx jindirizzaw biss ir-rekwiżiti minimi iżda wkoll il-limiti tat-tfassil diskrezzjonali ta’ liġijiet mill-Istati Membri. Ir-regoli tat-telekomunikazzjoni jipprovdu eżempju fejn dawn il-limiti ġew imposti sabiex titrażżan kull azzjoni unilaterali.

5.5

Il-KESE jemmen ukoll li l-Istati Membri għandhom joqogħdu lura milli jagħmlu traspożizzjoni tar-regoli tal-UE li m’għandhomx għalfejn jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali billi dan jintroduċi inċertezza u jista’ jwassal għal nuqqas ta’ koerenza. L-aġenda oriġinali tal-2005 pproponiet li d-direttivi jinbidlu f’regolamenti kull meta jkun prattiku u fattibbli skont it-Trattat. Din l-idea ma ġietx żviluppata iżjed u l-Komunikazzjoni ma tirriferix għaliha. Ir-regolamenti joħolqu aktar ċertezza u sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet indaqs, u jistgħu jiżguraw l-implimentazzjoni simultanja ta’ miżuri, li direttivi ta’ sikwit ma jagħmlux. Fejn ir-regolamenti u l-linji gwida dwarl- għajnuna mill-Istat jinbidlu f’liġi nazzjonali iżda bi kliem u tifsira differenti, il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida għall-Istati Membri. F’xi każijiet, it-28 reġim jista’ jitqies bħala għażla adatta (13).

6.   Rwol ikbar għas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fl-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar

6.1

Il-KESE ddedika ammont kbir ta’ ħin u għamel analiżi estensiva dwar l-aġenda tar-Regolamentazzjoni Aħjar. Ħareġ opinjonijiet ġenerali u mmirati dwar it-tisħiħ tat-tfassil tal-liġijiet fl-UE u sfida l-proposti tal-Kummissjoni. Ressaq proposti preċiżi sabiex jissaħħaħ il-qafas legali tal-UE dwar kif jittejbu l-proċeduri leġislattivi, il-leġislazzjoni u l-implimentazzjoni tal-UE (14). Rawwem approċċ integrat lejn it-tfassil tal-liġijiet billi enfasizza l-importanza ta’ approċċ proattiv, ta’ trasparenza msaħħa u konsultazzjoni, u ta’ responsabbiltà istituzzjonali (15). L-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar ġiet estiża wkoll biex tkopri l-liġi nazzjonali bħala aspett komplementari neċessarju għall-proċess fil-livell tal-UE (16).

6.2

L-Osservatorju tas-Suq Uniku (SMO) tal-KESE ressaq il-fehmiet u l-inizjattivi tal-partijiet interessati bil-għan li juri l-prattika tajba fit-tfassil aħjar tal-liġijiet. Bħala forum istituzzjonali ta’ espressjoni tal-fehmiet tas-soċjetà ċivili organizzata, ikkoopera mill-qrib mal-istituzzjonijiet tal-UE u b’mod partikolari mal-Kummissjoni, fejn billi ta pariri u appoġġ dwar kwistjonijiet marbuta mal-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar. Din l-opinjoni tibni fuq kontribuzzjonijiet preċedenti, il-kooperazzjoni ta’ kuljum u prattika tajba.

6.3

L-Artikolu 11 tat-TUE jipprovdi rwol speċjali għall-KESE fit-twettiq ta’ djalogu vertikali u orizzontali (17). Għadha ma laħqitx livell sodisfaċenti l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Waqt li l-grupp tal-Partijiet Interessati ta’ Livell Għoli jagħti kontribut utli, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw lill-partijiet interessati ewlenin – min iħaddem, l-impjegati, il-konsumaturi, l-interessi ambjentali u oħrajn – għandhom ikunu iktar involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni. Saru biss 148 sottomissjoni onlajn u f’rapporti u ittri tressqu biss 237 idea għat-tnaqqis tal-burokrazija (18). Il-gruppi tas-soċjetà ċivili jridu jkunu iktar involuti fil-programm dwar Regolamentazzjoni Aħjar. Jimpenjaw ruħhom b’mod iktar wiesa’, jikkomunikaw il-valur tagħha liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-ħaddiema u jissottolinjaw l-impenn tal-Ewropa favur it-tfassil ta’ politiki li huma faċli li jinftiehmu u li jintużaw.

6.4

F’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni hija wisq teknokratika fil-preżentazzjoni tagħha. Ma tikkomunikax b’mod adegwat il-benefiċċji li jinkisbu mill-inizjattiva Regolamentazzjoni Aħjar għaċ-ċittadini u l-intrapriżi tal-Ewropa. Is-soċjetà ċivili organizzata tista’ tgħin hawnhekk billi xxerred ir-riżultati u tleħħen id-domanda għal politika li tissorvelja u tippromovi l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar fil-livell nazzjonali u dak tal-UE (19).

6.5

Il-KESE jemmen li għandna nħabirku biex ikun hemm parteċipazzjoni iktar mill-qrib mas-soċjetà ċivili u mal-imsieħba soċjali sabiex titwassal fehma ġenerali iktar ibbilanċjata. Ta’ sikwit il-partijiet interessati jirrappreżentaw interessi partikolari li jridu jiġu kkombinati ma’ oħrajn iktar ġenerali mis-soċjetà ċivili kollha kemm hi. L-SMO u l-Kumitat tar-Reġjuni diġà qed jaqdu rwol attiv f’dan ir-rigward u l-KESE jtenni x-xewqa tiegħu li jkun involut iktar mill-qrib fil-produzzjoni ta’ bazi ta’ evidenza soda li tappoġġja d-deċiżjonijiet.

6.6

Il-KESE jappoġġja l-fehma li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom jikkoordinaw l-approċċi tagħhom lejn Regolamentazzjoni Aħjar. L-adozzjoni malajr ta’ miżuri ta’ semplifikazzjoni minn korpi leġislattivi hija essenzjali, kif inhuma emendi għal proposti oriġinali li jfissru b’mod ċar l-ispiża u l-benefiċċji tal-konformità.

6.7

L-evalwazzjonijiet tal-impatt għalhekk għandhom jitwettqu fuq bażi komprensiva u komparattiva, tkun liema tkun l-istituzzjoni li twettaqhom. Għandhom jiżviluppaw firxa ta’ bażijiet ta’ evidenza biex jistudjaw l-impatt tal-liġijiet fuq firxa sħiħa ta’ interessi ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

6.8

Il-KESE jipproponi li l-istrateġija tar-Regolamentazzjoni Aħjar tieħu spunti mis-settur tal-edukazzjoni għolja sabiex tespandi l-bażi ta’ evidenza tagħha meta twettaq evalwazzjonijiet tal-impatt. L-akkademiċi jwettqu riċerka u jedukaw l-istudenti biex jipproduċu data oġġettiva ta’ kwalità għolja li ta’ spiss hija evalwata permezz ta’ reviżjoni mill-pari. Madankollu, ħafna minn dan ix-xogħol ma jiġix indirizzat f’dibattiti dwar politika. Li kieku dan isir, itejjeb il-kapaċità biex titwassal Regolamentazzjoni Aħjar kif ukoll li jsir djalogu ma’ sezzjoni usa’ tas-soċjetà Ewropea.

7.   Kwistjonijiet speċifiċi

7.1

L-implimentazzjoni effettiva tal-fondi tal-UE ta’ sikwit tixxekkel minn regoli nazzjonali dwar għajnuna mill-Istat jew akkwist pubbliku li jmorru ferm lil hinn mir-rekwiżiti Komunitarji. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tipprijoritizza t-titjib tal-qafas legali li jirregola l-Fondi tal-UE sabiex din il-kwistjoni tiġi indirizzata. Ir-rata baxxa ta’ assorbiment u l-allokazzjoni fqira ta’ riżorsi juru li l-Fondi tal-UE jbatu minħabba l-ostakoli imposti mil-leġislazzjoni nazzjonali.

7.2

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-referenza fil-Komunikazzjoni għax-xewqa li titfassal ir-regolamentazzjoni globali u l-passi prattiċi li ttieħdu sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni aħjar mal-imsieħba kummerċjali tagħna. L-Ewropa għandha taqdi rwol ta’ tmexxija f’dan il-qasam billi toffri l-għarfien espert tagħha għall-iżvilupp ta’ ambjent regolatorju globali iktar integrat u koerenti. Qed teżerċita influwenza ewlenija fit-tfassil tar-riformi finanzjarji u għandha tkompli bl-isforzi tagħha fl-oqsma kollha, b’mod speċjali billi tiffaċilita l-kummerċ permezz ta’ standards komuni u ssaħħaħ iċ-ċertezza legali għan-negozji u l-investimenti diretti madwar id-dinja.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26, punt 4.4; ĠU C 24, 31.1.2006, p. 39; ĠU C 93, 27.4.2007, p. 25.

(2)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 6; ĠU C 24, 31.1.2006, p. 52; ĠU C 204, 9.8.2008, p. 9; ĠU C 93, 27.4.2007, p. 25.

(3)  Pereżempju, fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat jew l-akkwist pubbliku applikat għall-intrapriżi.

(4)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 59.

(5)  COM(2005) 535 finali, 25.10.2005.

(6)  Fost l-oħrajn, il-Programm Kontinwu għas-Semplifikazzjoni, il-kontroll tal-acquis, il-kodifikazzjoni u r-riformulazzjoni, u r-revoka ta’ atti skaduti.

(7)  COM(2005) 535 finali, 25.10.2005; COM(2007) 23 finali, 24.1.2007.

(8)  COM(2009) 16 finali.

(9)  6.2 ta’ COM(2009) 17 finali.

(10)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.

(11)  COM(2005) 535 finali, 25.10.2005, punt 3d.

(12)  Ara 2.3 ta’ COM(2009) 16 finali.

(13)  CESE 758/2010 (INT/499, għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(14)  ĠU C 24, 31.1.2006, p.39, ĠU C 24, 31.1.2006, p.52.

(15)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.

(16)  ĠU C 277, 17.11.2009, p.6.

(17)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 59 (Artikolu 11).

(18)  Skont 5.1 ta’ COM(2009) 16 finali.

(19)  ĠU C 204, 9.8.2008, p.9.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/112


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta’ strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE”

COM(2009) 512 finali

2011/C 48/20

Relatur: is-Sur MORGAN

Nhar it-30 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni iddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta’ strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE

COM(2009) 512 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Lulju 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (sessjoni tal-15 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’112-il vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jappoġġja l-proposta li ssir enfasi fuq it-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali (TAE). Jenfasizza wkoll li hemm bżonn riċerka u żvilupp b’saħħithom immirati lejn it-TAE fl-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka biex jiġi stimolat l-iżvilupp u biex tiġi appoġġjata l-applikazzjoni kummerċjali u industrijali ta’ dawn it-teknoloġiji.

1.2   Madankollu, jidher li, fil-forma attwali tagħha, il-proposta hija biss waħda minn ħafna inizjattivi tal-UE li tfasslu biex itejbu l-innovazzjoni u l-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp fis-suq intern. L-iskemi preċedenti ma rnexxewx, kif tindika s-sitwazzjoni attwali deskritta fl-analiżi tal-Kummissjoni (punt 3.8 hawn taħt). Qed isir appell għal approċċ ġdid.

1.3   Il-Komunikazzjoni tiddikjara li “[f]ilwaqt li r-riċerka u l-iżvilupp meħtieġa u l-applikazzjonijiet speċifiċi tagħhom huma primarjament ir-responsabilità tan-negozji, min ifassal il-politika hemm bżonn li joħloq il-kundizzjonijiet qafas u l-istrumenti ta’ appoġġ it-tajbin għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet industrijali tal-UE għall-iżvilupp tat-TAE.” Din hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri iżda l-KESE jemmen li dan l-approċċ huwa problematiku peress li, kif spjegat fis-sezzjoni 5, l-Istati Membri m’għandhomx biżżejjed kumpaniji ewlenin ta’ teknoloġija avvanzata (high-tech) biex jagħmlu użu adatt mit-TAE.

1.4   Peress li l-firxa ta’ kumpaniji kbar ta’ teknoloġija avvanzata mhijiex kompleta, l-SMEs jiffaċċjaw problemi partikolari fl-UE. Xi SMEs ikunu żgħar fil-bidu u jsiru atturi importanti fix-xena globali. Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji ġodda ta’ teknoloġija avvanzata (high-tech start-ups) ikollhom bżonn jistabbilixxu relazzjoni ma’ kumpaniji kbar għat-tkabbir u s-sopravivenza tagħhom. Ħafna SMEs jispiċċaw jinxtraw minn kumpaniji kbar li jużaw dawn l-akkwisti biex isaħħu l-isforzi tagħhom fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp. Minħabba n-nuqqas ta’ kumpaniji Ewropej ta’ teknoloġija avvanzata, kumpaniji Amerikani u Asjatiċi jsiru l-imsieħba u s-sidien ta’ SMEs Ewropej.

1.5   Din il-Komunikazzjoni tassumi b’mod impliċitu li l-interessi tal-UE huma definiti u mifhuma tajjeb mentri fil-fatt mhumiex. Ħafna mill-kumpaniji tat-teknoloġija huma multinazzjonali jew globali. L-uffiċċju prinċipali u l-kwotazzjoni tagħhom fil-Borża jistgħu jkunu kullimkien. L-azzjonisti jkunu istituzzjonijiet globali. Ir-rabtiet fil-katina tal-valur tar-riċerka bażika, l-iżvilupp tal-prodott, il-produzzjoni u l-assemblaġġ jistgħu jkunu stabbiliti f’kontinenti differenti. L-akkwisti jistgħu jsiru kull fejn hija disponibbli t-teknoloġija meħtieġa. L-immarkar u l-bejgħ ikunu globali. Fil-fatt, kull prodott huwa disponibbli kullimkien.

1.6   Fejn qiegħed l-interess Ewropew f’din in-nisġa ta’ interessi? Huwa relatat ma’ kemm l-Istati Membri jirnexxilhom, jew ma jirnexxilhomx jistimolaw l-intrapriża. Jeħtieġ aktar intrapriżi biex jisfruttaw it-TAE. Għandu jitħeġġeġ it-twaqqif ta’ kumpaniji, għandu jiġi appoġġjat it-tkabbir tal-kumpanijiu għandu jinġibed investiment intern. Il-kultura kummerċjali eżistenti fl-Ewropa għandha tiġi sfidata. Mit-Trattat ta’ Ruma u sussegwentement l-Att Uniku Ewropew ’il quddiem, l-UE ma rnexxiliex tlaħħaq mal-bqija tad-dinja hekk kif avvanzat it-teknoloġija. It-TAE x’aktarx huma l-aħħar opportunità biex l-Ewropa tmexxi ’l quddiem il-prodotti u s-servizzi teknoloġikament avvanzati.

1.7   Biex din il-politika tirnexxi, ser jeħtieġ li jitwaqqfu gradwalment operazzjonijiet tal-manufattura fl-Ewropa. Ser ikun hemm bżonn bidla fundamentali. L-idea li l-manifattura tista’ tiġi sottokuntrattata lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw m’għadhiex tgħodd. It-tħaddim tal-produzzjoni u t-teknoloġija huma essenzjali għall-innovazzjoni li jirrappreżentaw il-prodotti teknoloġikament avvanzati. Dan is-sors ta’ vantaġġ kompetittiv għandu jinġab lura fl-Ewropa u għandu jiżdied it-twaqqif ta’ kumpaniji ġodda tat-teknoloġija fl-Ewropa. Barra minn hekk, l-Ewropa għandha bżonn dawn l-impjiegi.

1.8   Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn bilanċ tajjeb bejn ir-riċerka applikata u r-riċerka fil-qasam tal-prinċipji fundamentali tax-xjenza. Ir-riċerka bażika tipprovdi l-bażi għall-innovazzjonijiet u teknoloġiji abilitanti essenzjali ġodda li jkunu sostenibbli u fuq tul ta’ żmien. Bilanċ tajjeb bejn ir-riċerka applikata u r-riċerka bażika hija importanti wkoll biex jinġibdu riċerkaturi ta’ kwalità għolja.

1.9   Huwa diffiċli li tiġi stabbilita strateġija ffokata fuq l-UE f’suq globali. Il-KESE jinnota li l-Komunikazzjoni ma tagħti l-ebda indikazzjoni ta’ miżuri ta’ prestazzjoni, ta’ miri jew ta’ dati għall-ksib tal-miri li jistgħu jiġu applikati għar-riżultati ta’ din l-inizjattiva. L-għoti ta’ sura lil dan il-programm għandu jkun l-ewwel kompitu tal-Grupp ta’ Livell Għoli.

1.10   Fir-raba’ sezzzjoni ta’ din l-opinjoni tingħata risposta, punt b’punt, għall-proposti ta’ politika dwar it-TAE. Fil-qosor, il-punti ewlenin huma:

l-indirizzar tal-falliment tas-suq intern li jħeġġeġ l-intrapriża u l-iżvilupp ta’ strateġija industrijali li tindirizza d-defiċit konsiderevoli tal-Ewropa fir-rigward tal-kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata;

il-manifattura tinġieb lura fl-Ewropa u jiżdiedu kumpaniji ġodda fl-Ewropa;

l-iffaċilitar tal-aċċess għall-kumpaniji għall-finanzjament tat-teknoloġiji innovattivi;

il-ħolqien ta’ inċentivi finanzjarji biex l-UE ssir post vantaġġuż għall-innovazzjoni u l-intrapriżi fil-qasam tat-TAE;

it-tnedija ta’ riforma radikali tal-iskejjel u l-universitajiet biex jipprovdu l-ħiliet meħtieġa;

it-tħeġġiġ ta’ clusters ta’ kumpaniji innovattivi ta’ teknoloġija avvanzata ibbażati fl-universitajiet u fiċ-ċentri ta’ riċerka;

ir-rikonoxximent tal-fatt li d-dinja nbidlet u l-adozzjoni ta’ politiki kummerċjali internazzjonali aggressivi;

l-iżgurar li din l-inizjattiva tkun komprensiva, u tinkludi l-inizjattivi relatati kollha mid-DĠ kollha.

1.11   Il-Kummissjoni għandha raġun tkun imħassba dwar il-fatt li mingħajr informazzjoni tajba, il-pubbliku, li jkollu impressjoni ħażina minħabba informazzjoni qarrieqa, jista’ jopponi mingħajr raġuni l-introduzzjoni ta’ prodotti u servizzi bbażati fuq it-TAE. Il-KESE jappoġġja l-impenn tas-soċjetà ċivili biex ikun jista’ jsir il-progress meħtieġ. Għandha tingħata prijorità għolja biex jinġibed l-interess tal-pubbliku inġenerali u taż-żgħażagħ b’mod partikolari lejn ix-xjenza u t-teknoloġija meraviljużi li aħna mdawrin bihom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, mill-konverġenza straordinarja tat-TMT (1) li jirrappreżentaw il-prodotti tat-tip tal-iPhone sal-katina ta’ bijoloġija, kimika, fiżika, u loġistika li twasslilna l-ikel fuq il-mejda permezz tal-forn microwave. L-Ewropa għandha bżonn aktar xjentisti b’missjoni li jbiddlu d-dinja.

1.12   Fl-istess waqt, il-KESE jinsisti li jiġi adottat approċċ ta’ prekawżjoni fir-rigward tal-iżviluppi tat-TAE bil-għan li, minkejja r-riskju, il-problemi tal-klima, tas-saħħa u dawk soċjali jittaffew u b’hekk l-iżviluppi jsiru sostenibbli. L-iżvilupp u l-iskoperti jiġu ostakolati jekk ma jittieħed l-ebda riskju fir-riċerka, però ladarba l-applikazzjonijiet tat-TAE jkunu qed jiġu prodotti għall-massa, il-KESE jistenna li la l-benesseri tal-pubbliku ġenerali u lanqas is-sostenibbiltà tal-ambejnt ma jiġu pperikolati.

2.   Introduzzjoni

2.1   L-ewwel sezzjoni tal-Komunikazzjoni tistqarr li, “l-UE għandha bżonn rendiment innovattiv b’saħħtu sabiex tatrezza ruħha bil-mezzi kollha meħtieġa biex tindirizza l-isfidi soċjetali ewlenini li ġejjin”. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jilħqu ftehim dwar l-importanza tal-użu effettiv tat-TAE fl-UE. Dan il-ftehim huwa prerekwiżit biex l-UE tiġi żviluppata fi spazju li jkattar l-innovazzjoni. Huwa meħtieġ ukoll jekk l-Ewropa trid issir attur internazzjonali ewlieni li jsarraf l-impenn tiegħu fi gwadann f’termini ta’ benesseri kemm fis-suq domestiku kif ukoll f’dak barrani.

2.2   Il-Kummissjoni pproponiet li jitwaqqaf grupp ta’ esperti ta’ livell għoli biex jindirizza l-oqsma ta’ azzjoni stabbiliti fis-sezzjoni 4 hawn taħt. Dan issa sar. Il-membri tal-grupp huma esperti industrijali u akkademiċi mill-Istati Membri. Biex jinħolqu sinerġiji, dan il-grupp għandu jikkoopera ma’ gruppi oħra ta’ esperti ta’ livell għoli, gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u korpi oħra tat-teknoloġija.

2.3   Il-grupp għandu:

jivvaluta l-qagħda kompetittiva tat-teknoloġiji rilevanti fl-UE b’enfasi partikolari fuq l-użu industrijali u r-rilevanza tagħhom biex jindirizzaw l-isfidi tas-soċjetà;

janalizza bir-reqqa l-kapaċitajiet pubbliċi u privati disponibbli tar-riċerka u l-iżvilupp għat-TAE fl-UE;

jipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta’ politika għal użu industrijali iktar effettiv tat-TAE fl-UE.

Il-KESE jistenna li l-ħidma tal-Grupp tkun ibbażata fuq il-bżonnijiet fil-futur, viżjoni u approċċ komprensiv.

3.   It-teknoloġiji abilitanti essenzjali

3.1   Dawn li ġejjin ġew identifikati bħala t-TAE bl-akbar rilevanza strateġika:

3.2   In-nanoteknoloġija: dan huwa terminu globali li jiġbor fih id-disinn, il-karatterizzazzjoni, il-produzzjoni u l-applikazzjoni ta’ strutturi, tagħmir u sistemi billi jiġu kkontrollati l-forma u d-daqs fuq skala ta’ nanometru.

3.3   Il-mikro u nanoelettroniċi jittrattaw komponenti ta’ semikondutturi u sottosistemi elettroniċi fuq skala żgħira ħafna u l-integrazzjoni tagħhom fi prodotti u sistemi akbar.

3.4   Il-fotonika hija qasam multidixxiplinari li jittratta d-dawl, u jinkludi l-ġenerazzjoni, l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tiegħu.

3.5   It-teknoloġiji ta’ materjali avvanzati jwasslu għal alternattivi li jqumu anqas flus mill-materjali eżiztenti u għal prodotti u servizzi ġodda b’valur miżjud ogħla. Fl-istess waqt, ser inaqqsu d-dipendenza mir-riżorsi, il-perikli ambjentali u l-iskart.

3.6   Il-bijoteknoloġija industrijali tinkludi l-użu ta’ mikroorganiżmi jew il-komponenti tagħhom, bħal pereżempju l-enzimi, għall-ġenerazzjoni ta’ prodotti, sustanzi u moduli kimiċi ta’ siwi industrijali b’kapaċitajiet li l-proċessi petrokimiċi konvenzjonali ma jistgħux jipprovdu.

3.7   Il-ksib ta’ ftehim Komunitarju dwar l-għażla ta’ Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali huwa l-punt ewlieni tal-Komunikazzjoni. Is-software għal dawn it-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet ta’ dawn it-teknoloġiji ser jiddependu mill-għażla tat-teknoloġiji nnifishom. Il-KESE lest li jħalli l-irfinar ta’ din il-lista f’idejn il-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli. Il-KESE jissuġġerixxi li jiġu kkunsidrati l-informatika ta’ prestazzjoni għolja u x-xjenza tas-simulazzjoni.

3.8   Skont il-Kummissjoni, l-UE għandha ostakli kbar biex tikseb firxa usa’ tat-TAE. L-UE kienet inqas effettiva mill-Istati Uniti u xi pajjiżi Asjatiċi fil-kummerċjalizzazzjoni u l-esplojtazzjoni tan-nanoteknoloġija, xi aspetti tal-fotonika, il-bijoteknoloġija u s-semikondutturi. Dawn huma kollha oqsma fejn saru sforzi pubbliċi sostanzjali fir-riċerka u l-iżvilupp, madankollu dawn ma jissarrfux biżżejjed f’kisbiet ekonomiċi u soċjetali. Hemm bosta raġunijiet għal dan:

l-UE ma tikkapitalizzax b’mod effettiv ir-riżutati tar-riċerka u l-iżvilupp tagħha stess;

sikwit ikun hemm nuqqas ta’ għarfien u komprensjoni mill-pubbliku fir-rigward tat-TAE;

hemm nuqqas ta’ ħaddiema ta’ ħila mmirati lejn in-natura multidixxiplinari tat-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali;

il-livelli tal-finanzjament tal-kapital ta’ riskju u l-investiment privat disponibbli għat-TAE għadhom relattivament baxxi;

il-frammentazzjoni tal-isforzi tal-politika tal-UE spiss tkun ikkawżata minn nuqqas ta’ viżjoni u koordinazzjoni fit-tul;

f’xi pajjiżi terzi, it-TAE jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ mill-istat, li spiss ma jkunx trasparenti u għalhekk jeħtieġ li jiġi mifhum aħjar fl-UE.

4.   Proposti ta’ politika

4.1   Għal użu effettiv tat-TAE jeħtieġ li jiġu indirizzati għaxar oqsma ta’ politika. Fil-punti li ġejjin, it-test fil-korsiv jagħti l-qofol tal-proposta tal-Kummissjoni.

4.2   Enfasi ikbar fuq it-teknoloġiji abilitanti essenzjali:

Għan ewlieni tal-appoġġ pubbliku għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għandu jkun li jiġi żgurat li l-fluss tal-innovazzjoni jinżamm, speċjalment f’perijodu ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u li l-adozzjoni tat-teknoloġija tiġi ffaċilitata.

4.2.1   Il-KESE jappoġġja għalkollox il-proposta li jissaħħu l-programmi li għandhom appoġġ pubbliku biex jittaffa l-impatt tal-kriżi fuq l-iżvilupp teknoloġiku. It-tnaqqis fil-profitti tal-kumpaniji żgur qed iżomm lura r-riċerka u l-iżvilupp fi ħdan il-kumpaniji. L-enfasi fuq il-kollaborazzjoni fl-iskemi ta’ finanzjament tal-UE sikwit tirrappreżenta ostaklu li ma jistax jingħeleb għal kumpaniji ġodda żgħar ta’ teknoloġija avvanzata li jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ għall-missjoni tagħhom. Il-fondi pubbliċi għandhom ikunu disponibbli mingħajr kundizzjonijiet biex jiġi pprovdut kapital inizjali sakemm l-innovaturi u l-intraprendituri jaħdmu fuq il-prova tal-kunċett.

4.3   Enfasi ikbar fuq it-trasferiment tat-teknoloġija u fuq il-ktajjen tal-provvista madwar l-UE kollha:

Il-proċess tat-trasferiment tat-teknoloġija bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-industrija jeħtieġ li jissaħħaħ (2). Aċċess ikbar tal-SMEs għat-teknolġiji abilitanti avvanzati mmanifatturati fl-Ewropa u l-promozzjoni ta’ clusters u netwerks ta’ innovazzjoni reġjonali huma essenzjali għall-ħolqien u ż-żamma ta’ innovazzjoni ta’ klassi dinjija.

4.3.1   Din il-politika hija marbuta mar-relazzjoni bejn l-istituti tar-riċerka u l-industrija, b’mod partikolari l-SMEs. Ma tirreferix għall-clusters industrijali bbażati fl-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka. Hemm differenza kbira bejn l-SMEs eżistenti fil-katina tal-provvista tal-industrija li għandhom bżonn tal-aċċess għall-aħħar teknoloġija rilevanti għall-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista u SMEs żgħar ġodda li jiġu stabbiliti biex imexxu ’l quddiem xjenza jew teknoloġija ġdida li tkun ħarġet minn xi istitut xjentifiku, università jew dipartiment tar-riċerka f’kumpanija. Filwaqt li l-KESE jappoġġja l-proposta ta’ politika kif indikat, jirrakkommanda wkoll sforz aktar determinat għat-titjib tax-xjenza u t-teknoloġija fl-universitajiet u l-appoġġ permezz ta’ kapital ta’ riskju għall-clusters ta’ kapital ta’ riskju relatati mal-università.

4.3.2   Biex din il-politika tirnexxi, ser jeħtieġ li jitwaqqfu operazzjonijiet tal-manufattura fl-Ewropa. Ser ikun hemm bżonn ta’ bidla fundamentali. L-idea li l-manifattura tista’ tiġi sottokuntrattata lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw m’għadhiex tgħodd. It-tħaddim tal-produzzjoni u t-teknoloġija huma essenzjali għall-innovazzjoni li jirrappreżentaw il-prodotti teknoloġikament avvanzati. Dan is-sors ta’ vantaġġ kompetittiv għandu jinġab lura fl-Ewropa. Din hija opportunità biex jinħolqu l-impjiegi. Hekk kif jiżdiedu l-kumpaniji ż-żgħir, dawn għandu jkollhom inċentivi biex jimmanifatturaw fl-Ewropa.

4.4   Enfasi ikbar fuq programmazzjoni strateġika konġunta u proġetti ta’ dimostrazzjoni:

Il-Komunità, kif ukoll l-Istati Membri u r-reġjuni, għandhom ifittxu approċċ iktar strateġiku u koordinat biex jiġu evitati dupplikazzjonijiet mhux ekonomiċi u jikkapitalizzaw b’mod iktar effettiv ir-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp relatati mat-TAE.

Il-programmi ta’ innovazzjoni ffinanzjati mill-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi aktar b’saħħithom għal azzjonijiet ta’ kollaborazzjoni fil-programmazzjoni konġunta bejn l-Istati Membri. B’hekk jinkisbu l-benefiċċji tad-daqs u l-ambitu u jiġu ffaċilitati alleanzi strateġiċi bejn kumpaniji Ewropej.

Peress li l-ispejjeż tal-proġetti ta’ dimostrazzjoni xi kultant ikunu ogħla minn dawk tar-riċerka u l-iżvilupp fi stadju aktar bikri, iktar kollaborazzjoni madwar l-UE b’involviment iktar qawwi mill-industrija u mill-utenti jista’ jippermetti li l-proġetti jitwettqu b’mod effiċjenti u bi prezzijiet aktar raġonevoli.

4.4.1   Din l-enfasi tista’ tipprovdi mezz biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fil-firxa tal-kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata fl-UE. L-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta’ prodotti u servizzi mmirati lejn is-suq li jissodisfaw il-bżonnijiet reali tas-suq jistgħu jkunu mezz biex il-kumpaniji żgħar ta’ teknoloġija avvanzata jikbru. Il-KESE jemmen li din il-politika tapplika aktar għall-applikazzjonijiet tax-xjenza u t-teknoloġija milli għar-riċerka bażika. Il-KESE jixtieq li jkun hemm konċentrazzjoni tal-fondi tal-UE u tal-Istati Membri għall-ksib tal-potenzjal tas-suq tat-teknoloġiji li ssemmew f’ħafna dokumenti politiċi u dokumenti ta’ viżjoni. Hemm bżonn ta’ sforz miftiehem biex jiġi stimolat it-twaqqif ta’ negozji ġodda u t-tkabbir sussegwenti ta’ intrapriżi bi preżenza u kompetittività globali.

4.4.2   Tista’ tinħoloq sinerġija addizzjonali abbażi tal-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar il-programmazzjoni konġunta fil-kooperazzjoni reġjonali u makroreġjonali. Jista’ jkun hemm inċentivi speċjali speċifikament għall-kooperazzjoni konġunta fi proġetti tat-TAE.

4.5   Politiki dwar l-għajnuna mill-Istat:

Għajnuna mill-istat immirata sew li tindirizza n-nuqqasijiet fis-suq hija strument adatt biex jiżdiedu r-riċerka u l-iżvilupp u biex titrawwem l-innovazzjoni fl-UE. Il-Kummissjoni beħsiebha tirrevedi l-qafas tal-2006 għall-għajnuna mill-istat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni biex tidetterimina jekk huwiex adegwat.

4.5.1   Evidentement, il-kumpaniji stabbiliti tal-UE ma jridux jikkompetu ma’ kumpaniji oħra tal-UE li huma appoġġjati minn għajnuna mill-istat. Madankollu, fil-fehma tal-KESE, l-ikbar kwistjoni hija l-iskarsezza ta’ kumpaniji Ewropej ta’ teknoloġija avvanzata kif imsemmi fis-sezzjoni 5. Il-KESE jemmen li hemm lok għal intervent pubbliku f’dawn is-setturi sabiex jiġi stimolat il-funzjonament tas-suq.

4.5.2   Ikun xieraq li jiġu żviluppati politiki speċifiċi biex jiġu megħjuna xi stati fil-Lvant u n-Nofsinhar tal-Ewropa biex iħaffu l-iżvilupp ta’ infrastruttura teknoloġikament avvanzata u infrastruttura xjentifika universitarja komplementari. Jista’ jkun li l-potenzjal tar-riċerka ma jiġix sfruttat minħabba nuqqas ta’ riżorsi.

4.5.3   Il-Kummissjoni għandha tagħmilha prijorità li tifhem għala hemm nuqqasijiet fil-firxa tal-kumpaniji Ewropej ta’ livell teknoloġiku għoli u tara x’tista’ tagħmel biex dawn jingħelbu. Fir-reġjuni ewlenin kollha tad-dinja, il-kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata jfeġġu minn taħlita ta’ forzi tas-suq u intervent pubbliku. L-Apple, il-Google, il-Microsoft u d-Dell huma prodotti puri tas-suq. Fl-UE, il-preżenza sinifikanti tal-ajruspazju hija frott l-intervent pubbliku (ESA, EADS). Il-forzi tas-suq tal-UE pproduċew in-Nokia iżda kważi l-ebda kumpanija komparabbli ma feġġet fl-istorja tal-UE. Il-grupp ta’ esperti għandu jsib mezz li jippermetti lill-UE tistabbilixxi ruħha mill-ġdid fl-industrija dinjija tal-ICT. Barra minn hekk, jekk l-UE trid tirnexxi fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, għandha tidentifika b’mod ċar il-kumpaniji li jistgħu jiżviluppaw u jużaw karburanti u sorsi ġodda ta’ enerġija. Imbagħad għandha tappoġġjahom biex jikbru.

4.6   L-użu tat-TAE jingħaqad mal-politika tat-tibdil fil-klima:

Jekk it-tisħiħ tat-TAE jingħaqad mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, dan joffri opportunitajiet ekonomiċi u soċjali importanti u jiffaċilita wkoll b’mod konsiderevoli l-finanzjament tas-sehem Ewropew mill-piż li ser jimponu l-ftehimiet internazzjonali

4.6.1   Il-KESE jemmen li għandha tingħata prijorità lill-iżvilupp ta’ karburanti u teknoloġiji alternattivi għat-trasport, l-enerġija, is-sħana u d-dawl. L-aqwa strateġija għat-tibdil fil-klima hija li jiġu żviluppati l-possibbiltajiet fil-qasam tal-enerġija (3).

4.7   Is-swieq ewlenin u l-akkwist pubbliku

L-UE teħtieġ ambjent favorevoli għall-kapitalizzazzjoni effettiva tar-riżultati tar-riċerka fil-prodotti. Għandha bżonn tippromovi d-domanda permezz tal-akkwist pubbliku u skemi bħall-inizjattiva tas-suq ewlieni. L-Istati Membri jistgħu jużaw l-akkwist prekummerċjali u l-akkwist għall-innovazzjonijiet qrib is-suq fuq skala kbira biex jistimulaw swieq teknoloġiċi abilitanti emerġenti.

4.7.1   Il-KESE jappoġġja din il-proposta fit-teorija. Il-KESE jistenna li l-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli jistabbilixxi proġetti prijoritarji biex jiġi żgurat li din il-politika jkollha effett kbir kemm jista’ jkun.

4.8   It-tqabbil internazzjonali ta’ politiki dwar it-teknoloġija avvanzata u l-kooperazzjoni internazzjonali msaħħa:

Il-Kummissjoni ser tagħmel tqabbil internazzjonali ta’ politiki ta’ teknoloġija avvanzata f’pajjiżi ewlenin u emerġenti oħrajn, bħall-Istati Uniti, il-Ġappun, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Indja, u tesplora l-ambitu għal kooperazzjoni iktar mill-qrib.

4.8.1   Il-KESE jappoġġja programm estensiv ta’ benchmarking internazzjonali biex tiġi pprovduta bażi għall-iżvilupp ta’ politika tat-TEA (4). Il-kooperazzjoni internazzjonali tista’ tkun ta’ valur għall-iżviluppi fuq skala kbira, b’mod partikolari fil-qasam tat-tibdil fil-klima, iżda l-kompetittività għandha tiġi l-ewwel. Il-Kummissjoni għandha tipprova tislet tagħlimiet mill-istrateġiji industrijali li jintużaw bnadi oħra.

4.9   Il-politika kummerċjali:

Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu żgurati kundizzjonijiet kummerċjali favorevoli għat-TAE b’mezzi bilaterali u multilaterali, biex jiġu evitati distorsjonijiet tas-suq internazzjonali, jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet tal-investiment, jitjieb il-ħarsien tal-IPR u jitnaqqas l-użu tas- sussidji u l-ostakli tariffarji u nontariffarji fil-livell globali.

4.9.1   Il-KESE jemmen li l-UE għandha twarrab il-paradigma preċedenti li kienet tagħmel distinzjoni bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw u li wasslet sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi jittolleraw is-sussidji u d-distorsjonijiet kummerċjali oħra fil-pajjiżi terzi huma u jwettqu negozjati pluriannwali biex isibu soluzzjoni. F’ħafna teknoloġiji, l-UE waqgħet lura meta mqabbla mal-Asja. Il-KESE jemmen li l-UE issa għandha tkun lesta tikkonfronta s-sussidji u d-distorsjonijiet kummerċjali b’sussidji u distorsjonijiet kummerċjali minn tagħha stess. Naturalment, l-UE għandha tkun lesta tiftiehem dwar trattati adatti meta l-partijiet l-oħra jkunu lesti biex jibdew in-negozjati Sadattant, l-UE għandha timplimenta strateġija industrijali biex tibni mill-ġdid il-kumpaniji tagħha u t-tmexxija teknoloġika tagħha.

4.10   Strument ta’ finanzjament mill-BEI u finanzjament ta’ kapital ta’ riskju:

Il-Kummissjoni ser tistimula iktar investiment ta’ teknoloġija avvanzata u ser tħeġġeġ lill-BEI biex jagħti prijorità lill-industrija ta’ teknoloġija avvanzata kemm billi juża l-iskemi eżistenti kif ukoll billi jfassal strumenti ġodda biex jiffaċilita l-investiment, b’kunsiderazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali.

Il-finanzjament ta’ kapital ta’ riskju speċjalizzat fl-istadju bikri tal-investiment għandu jissaħħaħ. Tista’ tiġi żgurata biżżejjed disponibbiltà ta’ kapital ta’ riskju permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati li jaqdu rwol kritiku fil-ħolqien u l-espansjoni ta’ kumpaniji b’riċerka u żvilupp intensivi.

4.10.1   Il-flus huma l-aktar forza vitali tas-suq. Aktar sorsi u l-espansjoni tas-sorsi ta’ żvilupp finanzjarju huma prerekwiżit għall-programm tat-TAE.

4.10.2   Il-KESE jemmen li l-kwistjonijiet tekniċi u burokratiċi relatati mal-mekkaniżmi eżistenti ta’ investiment u ta’ finanzjament tal-UE m’għandhomx jitħallew ibiddlu jew ixekklu l-allokazzjoni tal-fondi meħtieġa għall-iżvilupp tat-TAE.

4.10.3   Huwa faċli ħafna biex jintilfu l-flus fl-investimenti fit-teknoloġiji avvanzati. Il-Kummissjoni għandha ssib mezzi oħra ta’ finanzjament barra l-kapital ta’ riskju u l-kapital bankarju. L-individwi ta’ valur għoli (high net worth individuals) għandu jkollhom kull inċentiv biex jinvestu fil-kumpaniji ġodda ta’ livell teknoloġiku għoli fl-istadji bikrija qabel ma jiġi involut il-kapital ta’ riskju. Ir-riċerka u l-iżvilupp ta’ livell teknoloġiku għoli għandhom jinħelsu kemm jista’ jkun mit-taxxa. It-taxxa fuq il-profitt kapitali mill-bejgħ ta’ kumpaniji ġodda ta’ teknoloġija avvanzata għandhom jirċievu trattament favorevoli. Jeħtieġ li l-premji tas-suċċessi jikkompensaw għat-telf f’investiment ieħor. L-UE ma tiġbidx l-investituri u l-intraprendituri daqs reġjuni oħra.

4.11   Ħiliet, edukazzjoni għolja u taħriġ

Ix-xjenzi naturali u l-inġinerija jridu jilħqu l-post li jistħoqqilhom fis-sistema edukattiva. Il-perċentwali tal-gradwati f’dan il-qasam għandu jiżdied u jissaħħaħ aktar billi jinġibdu talenti internazzjonali.

4.11.1   L-iskala tal-investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet fl-Asja hija magħrufa sew. L-ammont ta’ PhDs mill-universitajiet Asjatiċi jisboq l-ammont tal-UE. L-aqwa universitajiet tal-UE għandhom kwota kbira ta’ studenti Asjatiċi. Fid-dawl tal-fatt li l-ġid nazzjonali tas-seklu 21 qed jiġi ddeterminat fil-klassijiet tal-iskejjel tad-dinja, il-prestazzjoni ta’ ħafna mill-Istati Membri tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni, kemm fl-iskejjel kif ukoll fl-universitajiet, hija ħafna iktar baxxa mill-istandards meħtieġa. Il-provi jinsabu fit-tabelli tal-kisbiet globali tal-iskejjel u l-klassifika tal-universitajiet internazzjonali.

4.11.2   Għandha tingħata prijorità lit-titjib tal-istandard tat-tagħlim fl-iskejjel, b’mod partikolari tal-matematika u x-xjenza, filwaqt li jinħolqu inċentivi għall-istudenti biex jistudjaw il-matematika u x-xjenza kemm fl-iskola kif ukoll fl-università u għal gradwati kkwalifikati biex isiru għalliema. Barra minn hekk, għandu jiġi identifikat grupp elitista ta’ universitajiet fejn l-istandards tat-tagħlim u tar-riċerka jistgħu jkunu kompetittivi fil-livell dinji u għandhom jiġu żviluppati infrastrutturi (ċentri tax-xjenza) relatati mal-universitajiet biex jiġġeneraw SMEs derivati (spin out) u biex jipprovdu l-finanzjament kapitali inizjali.

4.11.3   L-iskala tal-isfida edukattiva f’ħafna Stati Membri tant hi kbira u tant hu ċar li l-politiċi ma rnexxilhomx jindirizzaw il-problema matul is-snin li s-soċjetà ser ikollha bżonn tifrex ir-riżorsi tagħha b’mod aggressiv sakemm jiġu żgurati r-riżultati meħtieġa.

4.11.4   Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet qafas għat-tagħlim, ir-riċerka u l-iżvilupp fl-universitajiet u ċ-ċentri tar-riċerka għandhom isiru aktar attraenti. L-UE għandha bżonn tiġbed l-aktar individwi kapaċi minn reġjuni oħra. Bħalissa, il-kundizzjonijiet huma bil-kontra – ħafna mill-aktar individwi kapaċi fl-UE jmorru f’reġjuni oħra għal kundizzjonijiet aħjar (5). Minkejja dan, huwa importanti li tiġi ffaċilitata l-mobbiltà internazzjonali (6) għax din saret prerekwiżit għal karriera ta’ suċċess.

4.11.5   Bl-istess mod huwa essenzjali li jkun hemm bilanċ tajjeb fil-promozzjoni tar-riċerka applikata u r-riċerka bażika. Ir-riċerka fundamentali tipprovdi l-bażi għall-innovazzjonijiet sostenibbli u fuq tul ta’ żmien, li minnha jiżviluppaw ukoll it-teknoloġiji abilitanti l-ġodda. Dan il-bilanċ huwa wkoll importanti sabiex jinġibdu r-riċerkaturi bi kwalifiki għoljin

5.   Kumpaniji ta’ teknoloġija avvanzata

5.1   Il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar id-defiċit Ewropew fost il-kumpaniji globali ta’ teknoloġija avvanzata. Iż-żewġ tabelli t’hawn taħt tfasslu mil-lista tal-Financial Times tal-2009 tal-ewwel 500 kumpanija globali u reġjonali skont il-valur fis-suq. It-tabelli fihom data dwar is-setturi tal-industrija li huma l-aktar kapaċi jisfruttaw it-TAE.

5.2   L-ewwel tabella hija misluta mil-lista “Global 500”. F’din l-analiżi, m’hemmx settur ta’ teknoloġija avvanzata fejn l-Ewropa tinsab minn ta’ quddiem ħlief fil-qasam tal-kimika.

FT Global 500 – Setturi Teknoloġiċi

Settur

Numru ta’ Kumpaniji

 

 

Globali

Stati Uniti tal-Amerika

Asja

Ewropa

 

Farmaċewtiċi & Bijoteknoloġija

20

10

3

6

Novartis*, Roche*, GSK, Sanofi- Aventis, AstraZeneca, Novo Nordisk

Teknoloġija tal-hardware

21

13

5

2

Nokia, Ericsson

Software u servizzi tal-kompjuters

12

6

5

1

SAP

Vetturi u parts

11

2

6

3

Daimler, VW, BMW

Kimika

13

4

1

5

Bayer, BASF, Air Liquide, Syngenta*, Linde

Tagħmir tal-kura tas-saħħa

12

11

0

1

Fresenius

Tagħmir industrijali ġenerali

13

4

6

2

Siemens, ThyssenKrupp

Inġinerija industrijali

11

3

4

4

ABB*, Volvo, Atlas Copco, Alstom

Ajruspazju u difiża

10

7

0

3

BAE Systems, Rolls Royce, EADS

Tagħmir u servizzi taż-żejt

7

4

0

1

Saipem

Tagħmir tad-divertiment

4

0

3

1

Phillips Electrical

Tagħmir elettroniku u elettriku

6

2

3

1

Schneider Electric

Enerġija alternattiva

1

1

0

0

 

Is-setturi industrijali li huma esklużi minn din l-analiżi huma l-produtturi taż-żejt u tal-gass, il-metalli industrijali u l-minjieri, il-kostruzzjoni u l-materjali, kif ukoll il-produtturi tal-ikel, ix-xorb u t-tabakk.

Is-setturi operattivi li huma esklużi minn din il-lista huma s-setturi tat-telekomunikazzjoni fissa u mobbli, it-trasportazzjoni industrijali, l-elettriku, il-gass, l-ilma u s-servizzi pubbliċi mħallta.

L-Asja hija rrappreżentata b’mod predominanti mill-Ġappun, iżda tinkludi xi kumpaniji mit-Tajwan, il-Korea t’Isfel, Ħong Kong, iċ-Ċina, l-Indja u l-Awstralja.

L-Ewropa tinkludi l-UE u l-EFTA. Il-kumpaniji li huma mmarkati b’asterisk (*) huma Svizzeri.

5.3   It-tieni tabella hija misluta mil-lista tal-ewwel 500 fl-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Ewropa. Tinkludi l-valuri fis-swieq reġjonali f’kull settur. Mit-tlettax-il settur ta’ teknoloġija avvanzata, l-Ewropa qiegħda fuq quddiem fis-setturi tal-kimika, l-inġinerija industrijali u l-enerġija alternattiva, għalkemm dan tal-aħħar għadu fil-bidu tiegħu. L-Ewropa għandha wkoll pożizzjoni rispettabbli fis-settur tal-farmaċewtiċi u tal-bijoteknoloġija. Il-Ġappun qiegħed fuq quddiem fis-setturi tal-vetturi, it-tagħmir eletroniku u elettriku u tad-divertiment. Pajjiżi Asjatiċi oħra wkoll għandhom pożizzjonijiet b’saħħithom f’dawn is-setturi. L-Istati Uniti jiddominaw is-setturi fejn huma mexxejja: is-setturi tal-farmaċewtiċi u l-bijoteknoloġija, it-teknoloġija tal-hardware u tas-software u s-servizzi tal-kompjuters, it-tagħmir u s-servizzi tal-kura tas-saħħa, it-tagħmir u s-servizzi għall-industrija ġenerali, l-ajruspazju, id-difiża u ż-żejt. Dawn kollha huma setturi importanti għall-isfruttament tat-TAE.

FT Regional 500 – Setturi Teknoloġiċi

Settur

Numru ta’ kumpaniji (#) u l-valur fis-suq ($ biljuni*)

 

Stati Uniti tal-Amerika

Ġappun

Ewropa

 

#

$

#

$

#

$

Farmaċewtiċi u Bijoteknoloġija

21

843

24

147

18

652

Teknoloġija tal-hardware

34

1 049

18

164

8

140

Software u servizzi tal-kompjuters

25

884

12

58

8

98

Vetturi u parts

5

81

37

398

9

186

Kimika

12

182

36

134

18

293

Tagħmir tal-kura tas-saħħa

31

511

4

24

11

94

Tagħmir industrijali ġenerali

9

344

8

38

6

127

Inġinerija industrijali

11

165

36

185

18

210

Ajruspazju u difiża

12

283

7

84

Tagħmir u servizzi taż-żejt

17

271

9

62

Tagħmir tad-divertiment

5

42

14

181

1

31

Tagħmir elettroniku u elettriku

10

124

29

159

6

54

Enerġija alternattiva

1

10

2

16

Biljun* huwa elf miljun. Din it-tabella hija kkompilata mil-lista tal-Financial Times tal-ewwel 500 kumpanija f’kull wieħed mit-tliet reġjuni. Minn reġjun għall-ieħor, it-taħlita u l-bilanċ tas-setturi f’kull reġjun tvarja ħafna iżda l-valur komparattiv fis-suq ta’ kull settur f’kull reġjun huwa kejl utli tal-intensità teknoloġika relattiva.

5.4   Il-konklużjoni li toħroġ minn din l-analiżi hija li l-UE għandha bżonn stateġija industrijali biex tiżgura l-pożizzjoni tagħha fid-dinja tat-TAE fl-2020 u lil hinn.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Telekomunikazzjoni, mezzi tax-xandir u teknoloġija (tal-informazzjoni).

(2)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 8.

(3)  Ara l-CESE 766/2010, 27.5.2010.

(4)  ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13.

(5)  ĠU C 110, 30.4.2004, p. 3.

(6)  ĠU C 224, 30.8.2008.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/120


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali”

COM(2009) 614 finali

2011/C 48/21

Relatur: is-Sinjura BONTEA

Nhar l-4 ta’ Novembru 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali

COM(2009) 614 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, responsabbli sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Lulju 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’65 vot favur, 13-il vot kontra u 18 il-astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE huwa favur l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali fl-Istati Membri kollha tal-UE. Dan għandu jseħħ abbażi tal-prinċipji tat-trasparenza, ir-rapidità, it-tnaqqis tal-ispejjeż, is-semplifikazzjoni amministrattiva, ħarsien adegwat tad-data personali u l-interoperabilità. Il-kooperazzjoni transkonfinali bejn ir-reġistri kummerċjali għandha tiggarantixxi t-titjib tal-informazzjoni uffiċjali u affidabbli għall-kredituri, l-imsieħba kummerċjali, l-azzjonisti u l-konsumaturi. Din toffri iktar ċertezza legali u tiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern.

1.2   L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali għandha tirrifletti l-għanijiet taż-żewġ dokumenti strateġiċi: l-Istrateġija Ewropa 2020 (1) u s-Small Business Act (2) L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali għandha żżid it-trasparenza u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn in-negozji, kif ukoll tnaqqas l-ostakoli għall-attivitajiet kummerċjali transkonfinali u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi b’mod partikolari għall-SMEs. Dawn l-elementi huma kollha kruċjali għat-tisħiħ tas-suq uniku u għall-promozzjoni ta’ progress ekonomiku u soċjali bilanċjat u sostenibbli hekk kif enfasizzat il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir – Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa (Small Business Act)” (COM(2008) 394 final).

1.3   Il-KESE jirrakkomanda li jiżdiedu għanijiet ġodda ma’ dawk stabbiliti fil-Green Paper bil-għan li:

jitwaqqaf strument obbligatorju ta’ kooperazzjoni li jiffaċilita u jsaħħaħ l-interkonnessjoni elettronika tar-reġistri ċentrali tal-Istati Membri, speċjalment mal-portal tal-e-Justice, u b’hekk isir l-aċċess prinċipali għall-informazzjoni ġuridika tal-UE sabiex jiġu applikati b’mod effettiv id-Direttivi dwar il-liġi tal-kumpaniji;

jagħti spinta lill-kooperazzjoni transkonfinali, speċjalment fil-fużjonijiet transkonfinali u l-fergħat fi Stati Membri oħra, u b’hekk wieħed jibbenefika mill-vantaġġi tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI).

1.4   Il-Kumitat b’mod ġenerali jappoġġja l-Green Paper sakemm tiġi soġġetta għal valutazzjoni komprensiva tal-impatt u sakemm ma jiżdiedux piżijiet amministrattivi addizzjonali fuq il-kumpaniji.

1.5   Il-Kumitat jemmen li l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali tista’ toħloq valur miżjud reali jekk in-netwerk jinkludi mhux biss ir-reġistri ċentrali iżda wkoll ir-reġistri lokali u reġjonali kollha tas-27 Stat Memmbru u jekk l-informazzjoni ċirkulata fi ħdan dan in-netwerk - irrispettivament mill-pajjiż tal-oriġini, tkun aġġornata, sikura, standardizzata, aċċessibbli permezz ta’ proċedura sempliċi u fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u preferibbilment mingħajr ħlas (għall-anqas għall-informazzjoni bażika).

1.6   Jekk tittieħed azzjoni leġislattiva fil-livell tal-UE, il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li tittieħed din l-opportunità sabiex jiġu emendati r-regoli dwar il-pubblikazzjoni, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji u b’mod partikolari l-SMEs mingħajr ma titnaqqas it-trasparenza, filwaqt li jitqies il-fatt li l-iżvelar tal-informazzjoni lil ġurnali nazzjonali uffiċjali jinvolvi spejjeż addizzjonali għan-negozji mingħajr ma jkun qed jiżdied il-valur miżjud, jekk ikun hemm il-possibbiltà li din l-informazzjoni tiġi aċċessata f’reġistri online.

1.7   Ftehim ta’ governanza jista’ jkun is-soluzzjoni sabiex jitwaqqfu d-dettalji tekniċi tal-kooperazzjoni li tirrigwarda r-reġistri kummerċjali.

1.8   Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-Green Paper, il-Kumitat jipproponi li tintgħażel soluzzjoni li tintegra u tibni fuq il-mekkaniżi u l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni kollha li jeżistu b’mod partikolari l-EBR (3), il-BRITE (4), l-IMI u l-e-Justice bil-għan li l-EBR jiġi estiż u żviluppat f’sistema avvanzata, innovattiva u interoperabbli fil-forma ta’ pjattaforma ta’ servizz tal-ICT u strument effettiv ta’ ġestjoni tat-tbassir li jgħaqqad ir-reġistri kummerċjali fl-UE u li jagħti spinta lill-kooperazzjoni bejn in-negozji u jevalwa l-iżvilupp tagħhom u li jiġi integrat fil-portal Ewropew tal-e-Justice.

1.9   Fir-rigward tal-konnessjoni tan-netwerk tar-reġistri kummerċjali man-netwerk elettroniku stabbilit taħt id-Direttiva 2004/109/EC, il-Kumitat jemmen li għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt wara l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali kollha.

1.10   Fir-rigward tal-fergħat tal-kumpaniji f’pajjiżi oħra, il-Kumitat jappoġġja l-introduzzjoni tal-IMI, bħala sistema ta’ informazzjoni li tipprovdi qafas għall-kooperazzjoni amministrattiva li jista’ jintuża biex jappoġġja l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe att ta’ leġislazzjoni dwar is-suq intern.

1.11   Jekk jingħażel korp kompetenti li jmexxi, jespandi u jiżviluppa l-EBR – li għandu jkun ta’ natura obbligatorja u mhux volontarja – u jiżgura l-finanzjament adatt tal-proġett mill-fondi tal-UE, il-bini tan-netwerk ta’ kooperazzjoni transkonfinali li jinkludi r-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri kollha u l-ksib fil-perijodu qasir u medju ta’ dawn l-objettivi ser jitħaffef.

1.12   Il-ħolqien ta’ network tar-reġistri kummerċjali għandu jissodisfa firxa ta’ funzjonijiet u jipprovdi strumenti li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni.

1.13   Kooperazjoni f’dan il-qasam hija importanti ħafna bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali, tal-UE, l-imsieħba soċjali u soċjetà ċivili.

2.   Kuntest

2.1   L-UE għandha 27 reġistru kummerċjali li joperaw fuq bażi nazzjonali jew reġjonali. Huma jirreġistraw, jeżaminaw u jaħżnu l-informazzjoni dwar il-kumpaniji stabbiliti fil-pajjiż jew ir-reġjun rilevanti skont l-istandards minimi applikabbli għas-servizzi prinċipali li jipprovdu, b’konformità mal-leġislazzjoni tal-UE.

2.2   Madankollu, filwaqt li l-informazzjoni uffiċjali dwar il-kumpaniji hija faċilment disponibbli fil-pajjiż fejn dawn ikunu ġew irreġistrati (ir-reġistri kummerċjali kważi fl-Istati Membri kollha ilhom disponibbli elettronikament u onlajn mill-1 ta’ Jannar 2007), l-aċċess għall-istess informazzjoni minn Stat Membru ieħor jista’ jkun imfixkel minħabba ostakoli tekniċi (kundizzjonijiet u strutturi differenti ta’ riċerka) jew lingwistiċi.

2.3   Kulma jmur, it-talba għall-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kumpaniji f’kuntest transkonfinali qiegħda tiżdied, kemm għall-finijiet kummerċjali kif ukoll sabiex l-aċċess għall-ġustizzja ikun iffaċilitat fid-dawl tal-fatt li l-opportunitajiet li joffri s-suq uniku ffaċilitaw l-espansjoni lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Barra minn hekk, numru kbir ta’ fużjonijiet u diviżjonijiet jinvolvu kumpaniji minn Stati Membri differenti tal-UE, speċjalment fid-dawl tad-Direttiva 2005/56/KE, li teħtieġ il-kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali, u huwa possibbli għan-negozji li jiġu rreġistrati fi Stat Membru filwaqt li jmexxu parti mill-attività tagħhom jew kollha kemm hi fi Stat Membru ieħor.

2.4   B’riżultat tal-attivitajiet kummerċjali transkonfinali, il-kooperazzjoni ta’ kuljum bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u/jew ir-reġistri kummerċjali saret bżonn u jeżistu bosta strumenti u inizjattivi li twaqqfu sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni volontarja.

3.   Sintesi tal-Green Paper

3.1   Il-Green Paper dwar l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali tiddeskrivi l-qafas legali eżistenti u tqis mogħdijiet possibbli li jistgħu jwasslu għal aċċess aħjar għal informazzjoni dwar in-negozji madwar l-UE u applikazzjoni iktar effettiva tad-direttivi dwar il-liġi tal-kumpaniji.

3.2   Skont il-Green Paper, l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali sservi għal żewġ raġunijiet li għalkemm differenti għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin.

jiffaċilitaw l-aċċess għal informazzjoni uffiċjali u affidabbli dwar il-kumpaniji lil hinn mill-fruntieri sabiex tiżdied it-trasparenza fis-suq uniku, itejbu l-protezzjoni tal-azzjonisti u l-partijiet terzi;

jsaħħu l-kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali fil-każ ta’ proċeduri transkonfinali bħal fużjonijiet transkonfinali, trasferimenti tas-sede jew proċeduri ta’ insolvenza hekk kif meħtieġa b’mod espliċitu mid-Direttiva dwar il-fużjonijiet transkonfinali u mill-Istatuti ta’ Kumpanija Ewropea (SE) u għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE).

3.3   Il-Green Paper telenka l-mekkaniżmi u l-inizjattivi li jeżistu:

—   EBR: proġett volontarju mwettaq mir-reġistri kummerċjali ta’ 18-il Stat Membru u 6 Stati li mhumiex membri bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea. L-EBR huwa netwerk ta’ reġsitri kummerċjali li l-objettiv tiegħu hu li joffri informazzjoni affidabbli dwar il-kumpaniji. Huwa għandu ċertu limiti madanakollu fir-rigward tal-espansjoni tan-netwerk u l-kwistjoni tal-kooperazzjoni fil-proċeduri transkonfinali;

—   BRITE: inizjattiva ta’ riċerka li tlestiet f’Marzu 2009, immexxija minn imsieħba tal-EBR u finanzjata l-iktar mill-Kummissjoni Ewropea. L-objettivi tal-proġett kienu li dan jiżviluppa u jimplimenta mudell ta’ interoperabilità avvanzat u innovattiv, pjattaforma ta’ servizzi tal-ICT u strument ta’ tmexxija għar-reġistri kummerċjali li madwar l-UE, li jiffoka b’mod partikolari fuq każijiet ta’ trasferimenti ta’ sede u fużjonijiet transkonfinali u jtejjeb il-kontroll tal-fergħat ta’ kumpaniji rreġistrati fi Stati Membri oħra;

—   Is-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI): applikazzjoni sikura msejsa fuq l-internet li twaqqfet f’Marzu 2006 u li hija mħaddma mill-Kummissjoni. Hija netwerk magħluq li jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri b’għodda sempliċi għat-tiftix tal-interlokuturi rilevanti fi Stati Membri oħra u sabiex jikkomunikaw magħhom malajr u b’mod iktar effiċjenti. L-IMI qed tintuża sabiex tappoġġjal l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali u d-Direttiva dwar is-Servizzi;

—   L-e-Justice: inizjattiva li tnediet f’Ġunju 2007 sabiex tassisti x-xogħol tal-awtoritajiet ġudizzjarji u tiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni ġudizzjarja u legali. Riżultat tanġibbli tal-inizjattiva jkun il-portal Ewropew tal-e-Justice li ser ikun il-punt ewlieni ta’ aċċess għall-informazzjoni legali, istituzzjonijiet legali u amministrattivi, reġistri, databases u servizzi oħra. Il-pjan ta’ azzjoni Ewropew dwar l-e-Justice għall-2009-2013 jitratta kwistjonijiet relatati mal-integrazzjoni tar-Reġistru Kummerċjali Ewropew fil-portal permezz ta’ approċċ gradwali (l-ewwel fażi ta’ rabta u wara l-possibbiltà ta’ integrazzjoni parzjali).

3.4   Essenzjalment il-Green Paper tipproponi tliet mezzi għall-iżvilupp tal-mekkaniżmi eżistenti ta’ kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali:

l-ewwel għażla hija li jintużaw ir-riżultati li joħorġu mill-proġett BRITE u li tinħatar jew titwaqqaf entità li l-missjoni tagħha tkun li tmantni s-servizzi meħtieġa estiżi għall-Istati Membri kollha;

it-tieni għażla hija li tintuża s-sistema tal-IMI li hija diġà mħaddma u għandha li tista’tiġi estiża għal żoni ġodda tal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-snin li ġejjin;

it-tielet għażla hija li jiġu kkombinati ż-żewġ għażliet.

4.   Kummenti Ġenerali

4.1   Il-Kumitat huwa favur l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali fl-Istati Membri tal-UE kollha bil-għan li jiġi faċilitat l-aċċess għal informazzjoni uffiċjali u affidabbli dwar l-intrapriżi u l-kumpaniji u sabiex tiżgura t-trasparenza fis-suq uniku filwaqt li żżid il-protezzjoni tal-partijiet interessati u l-partijiet terzi (kredituri, is-sieħba fin-negozju u l-konsumaturi eċċ.) b’mod partikolari fil-proċeduri transkonfinali (bħal fużjonijiet transkonfinali, trasferimenti tas-sede jew proċeduri ta’ insolvenza).

4.2   L-inizjattiva tal-Kummissjoni li tqis mogħdijiet possibbli li jistgħu jwasslu għal aċċess aħjar għal informazzjoni dwar in-negozji madwar l-UE u applikazzjoni iktar effettiva tad-direttivi dwar il-liġi tal-kumpaniji hija tajba. Il-Kumitat b’mod ġenerali jappoġġja l-Green Paper għalkemm huwa meqjus neċessarju li titwettaq valutazzjoni komprensiva tal-impatt u sakemm ma jiżdiedux piżijiet amministrattivi addizzjonali fuq il-kumpaniji.

4.3   L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali għandha tirrifletti l-għanijiet ta’ żewġ dokumenti strateġiċi: l-Istrateġija Ewropa 2020 (li ssejjaħ għal kooperazzjoni transkonfinali msaħħa) u s-Small Business Act (li jimmira li jnaqqas “l-ispejjeż u l-piżijiet għan-negozju” sabiex jingħata “kontribut kbir għas-suċċess u għat-tkabbir tal-SMEs billi jiffrankawlhom il-ħin u l-flus u b’hekk jeħilsu r-riżorsi għall-innovazzjoni u għall-ħolqien ta’ l-impjiegi” b’valutazzjoni rigoruża tal-impatt tal-inizjattivi legislativi u amministrativi tal-ġejjieni).

4.4   L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali għandha żżid it-trasparenza, ittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni uffiċjali relatata mal-intrapriżi u l-kooperazzjoni bejniethom, u hija kruċjali għat-tisħiħ tas-suq uniku u għall-promozzjoni ta’ progress ekonomiku u soċjali bilanċjat u sostenibbli.

5.   Tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Green Paper

5.1   Il-bżonn ta’ netwerk aħjar tar-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri

5.1.1   Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali, il-KESE huwa favur l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali fl-Istati Membri kollha tal-UE kollha. Dan għandu jseħħ abbażi tal-prinċipji tat-trasparenza, ir-rapidità, it-tnaqqis tal-ispejjeż, is-semplifikazzjoni amministrattiva, ħarsien adegwat tad-data personali u l-interoperabilità (komunikazzjoni awtomatika mar-reġistri lokali u reġjonali).

5.1.2   Il-Kumitat jemmen li l-ħolqien ta’ netwerk ta’ reġistri kummerċjali jista’ biss joħloq valur miżjud reali jekk jinkludi r-reġistri lokali u reġjonali kollha tas-27 Stat Membru u jekk l-informazzjoni ċirkulata fi ħdan dan in-netwerk – irrispettivament mill-pajjiż tal-oriġini – tkun aġġornata, sikura, standardizzata, aċċessibbli permezz ta’ proċedura sempliċi u fil-lingwi uffiċjali tal-UE kollha u preferibbilment mingħajr ħlas (għall-anqas għall-informazzjoni bażika).

5.2   Il-possibbiltà li d-dettalji ta’ kooperazzjoni jiġu deċiżi bis-saħħa ta’ “ftehim ta’ tmexxija” bejn ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u r-reġistri kummerċjali

5.2.1   Din għandha tkun soġġetta għal analiżi f’termini ta’ spejjeż u benefiċċji bħala parti minn valutazzjoni komprensiva tal-impatt. Barra minn hekk il-Kumitat jisħaq fuq il-bżonn li tiġi estiża u msaħħha l-kooperazzjoni attwali bejn ir-reġistri kummerċjali u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għal dan il-għan, l-Istati Membri kollha jridu jissodisfaw l-obbligu li jiżviluppaw is-sħubija fil-qasam billi jipparteċipaw b’mod attiv fl-espansjoni u jieħdu deċiżjonijiet dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tagħha.

5.2.2   Wara l-valutazzjoni tal-impatt, jekk tkun neċessarja azzjoni leġislattiva fil-livell tal-UE sabiex jinħoloq rekwiżit legali għall-kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali, il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li tittieħed din l-opportunità sabiex jiġu emendati r-regoli dwar il-pubblikazzjoni tar-reġistri sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji u b’mod partikolari l-SMEs mingħajr ma titnaqqas it-trasparenza filwaqt li jitqies il-fatt li l-iżvelar tal-informazzjoni lil ġurnali tar-reġistri ta’ kull pajjiż jinvolvi spejjeż addizzjonali għan-negozji mingħajr ma jkun qed jiżdied il-valur miżjud, jekk ikun hemm il-possibbiltà li din l-informazzjoni tiġi aċċessata f’reġistri online.

5.2.3   Jista’ jkun utli li tinħoloq bażi legali iktar soda għal xi karatteristiċi tan-netwerk, iżda d-dettalji tal-kooperazzjoni għandhom jiġu deċiżi permezz ta’ ftehim dwar it-tmexxija tan-netwerk elettroniku tar-reġistri kummerċjali. Il-ftehim jista’ jindirizza kwistjonijiet bħall-kundizzjonijiet għas-sħubija man-netwerk, il-ħatra ta’ korp sabiex jimmaniġġja n-netwerk, kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltà, il-finanzjament, ir-riżoluzzjoni tat-tilwim, il-manutenzjoni tas-server ċentrali u l-iżgurar li jkun hemm aċċess għall-pubbliku fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, flimkien ma’ regoli minimi dwar il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà.

5.3   Il-valur miżjud ta’ konnessjoni, fuq perijodu twil, tan-netwerk tar-reġistri kummerċjali man-netwerk elettroniku mwaqqaf skont id-Direttiva dwar it-Trasparenza (2004/109/EC)

5.3.1   Fir-rigward tal-konnessjoni tan-netwerk tar-reġistri kummerċjali man-netwerk elettroniku ta’ informazzjoni regolata dwar il-kumpaniji kwotati stabbilit taħt id-Direttiva dwar it-Trasparenza (2004/109/EC), il-Kumitat jemmen li dan l-għan għandu jitwettaq wara l-interkonnessjoni sħiħa tar-reġistri kummerċjali u li għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt tad-diffikultajiet tekniċi involuti, kemm ser ikollha effett din il-miżura, il-valur miżjud reali tagħha u l-ispejjeż involuti. Forsi huwa aktar adatt li tintuża d-Direttiva 2003/58/KE, li introduċiet ir-reġistri kummerċjali elettroniċi.

5.3.2   Kooperazzjoni mtejba bejn ir-reġistri kummerċjali ser tkun ta’ benefiċċju woll għas-sinerġiji potenzjali li jinħolqu mill-iżvelar ta’ informazzjoni dwar il-kumpaniji minn korpi oħra (pereżempju dwar it-tijib tat-trasparenza tas-swieq finanzjarji, it-titjib tad-disponibbiltà tal-informazzjoni finanzjarja dwar il-kumpaniji reġistrati fl-Ewropa kollha u l-iżgurar ta’ tħaddim effiċjenti u effettiv tal-proċeduri transkonfinali ta’ insolvenza).

5.4   L-aħjar soluzzjoni għall-iffaċilitar tal-komunikazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali fil-fużjonijiet u t-trasferimenti tas-sede f’livell transkonfinali

5.4.1   Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-Green Paper, il-Kumitat jipproponi li tintgħażel soluzzjoni li tintegra u tibni fuq il-mekkaniżi u l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni kollha li jeżistu, b’mod partikolari l-EBR, il-BRITE, l-IMI u l-e-Justice bil-għan li l-EBR jiġi estiż fl-Istati Membri kollha u żviluppat f’sistema avvanzata, innovattiva u interoperabbli fil-forma ta’ pjattaforma ta’ servizz tal-ICT u strument effettiv ta’ ġestjoni tat-tbassir li jgħaqqad ir-reġistri kummerċjali fl-UE u li jagħti spinta lill-kooperazzjoni bejn in-negozji u jevalwa l-iżvilupp tagħhom u li jiġi integrat fil-portal Ewropew tal-e-Justice.

5.4.2   Is-soluzzjoni li qed jipproponi l-Kumitat (li l-EBR jiġi estiż għall-Istati Membri kollha u li jittejjeb il-funzjonament tiegħu billi dan jibni fuq ir-riżultati tal-proġett BRITE u possibbilment bl-użu tas-sistema IMI, filwaqt li n-netwerk jiġi integrat fil-portal tal-e-Justice) ikollha dawn l-effetti: hija tiżgura l-kontinwità tal-esperjenza li nkisbet mill-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-pjattaformi tal-IT u l-manteniment tal-livell ta’ rikonoxximent tagħhom, tevita l-konfużjoni li tista’ tinħoloq jekk jitnieda strument ġdid li jipprovdi informazzjoni simili u identika għal dik tal-EBE u jiġu multiplikati r-riżultati tal-investiment li diġà sar inkluż permezz tal-fondi tal-UE u b’hekk ikun hemm inqas spejjeż ta’ implimentazzjoni, b’mod speċjali, jekk tintuża l-IMI jew jekk in-netwerk jiġi integrat fil-portal tal-e-Justice.

5.5   Is-soluzzjoni proposta għall-fergħat tal-kumpaniji

5.5.1   Ir-rekwiżiti tal-iżvelar rigward il-friegħi miftuħa fi Stat Membru ieħor stabbiliti fid-Direttiva(89/666/KEE) fil-prattika jrendu l-kooperazzjoni tar-reġistri kummerċjali indispensabbli sabiex jiżguraw li l-informazzjoni u d-dokumenti jiġu żvelati meta tiftaħ fergħa. Il-Kumitat jappoġġja ħidma fuq u żvilupp tar-riżultati tal-proġett BRITE u s-soluzzjoni ta’ notifika awtomatika bejn ir-reġistri sabiex ikun ikkontrollat jekk id-data rilevanti hijiex korretta u aġġornata u għalhekk sabiex jitħarsu l-interessi tal-kredituri u l-konsumaturi li jkunu f’kuntatt mal-fergħa.

6.   Kummenti Speċifiċi

6.1   Sabiex tinkiseb l-interoparabilità sħiħa tar-reġistri kummerċjali jeħtieġ li jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet għall-problema tat-tneħħija tal-ostakli attwali (kundizzjonijiet u strutturi differenti ta’ riċerka) u l-ostakli lingwistiċi (fejn jidħol l-ERB, is-soluzzjoni hija li r-riċerka tista’ ssir fil-lingwi kollha u l-informazzjoni mitluba tiġi provduta fil-lingwa li fiha tkun saret it-tiftixa).

6.2   Jekk jingħażel korp kompetenti li jmexxi, jespandi u jiżviluppa l-EBR u jiżgura l-finanzjament adatt tal-proġett mill-fondi tal-UE, il-bini tan-netwerk li jinkludi lill-Istati Membri kollha u l-ksib fil-perijodu qasir u medju ta’ dawn l-objettivi ser jitħaffef. Fil-futur, il-limiti li jikkonsistu f’tariffi għolja sabiex jingħaqad u jintużaw is-software jew l-abbonamenti tal-EBR għandhom jingħelbu u l-ostakli għall-parteċipazzjoni fil-livell nazzjonali għandhom jiġu eliminati.

6.3   L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali m’għandhiex tkun limitata għall-manteniment, l-iżvilupp, l-amministrazzjoni u l-aġġornament tan-netwerk u s-software.Hija għandha tmexxi b’suċċess ir-relazzjonijiet bejn il-parteċipanti, tippromovi s-sistema tajjeb fost iċ-ċittadini u n-negozji, tipparteċipa fi programmi finanzjati mill-UE, testendi s-servizzi għal pajjiżi ġodda u anki toffri servizzi kummerċjali sabiex tiġġenera d-dħul li jintuża għall-iżvilupp tan-netwerk.

6.4   L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali għandha tinkludi iktar strumenti li jiffaċilitaw il-komunikazzjoni: kriterji tat-tiftix, sett ta’ proċeduri trasparenti li dwarhom ikunu qablu l-Istati Membri kollha għat-tiftix u r-risposti, għażla li wieħed jirċievi dokumenti u ċertifikati elettroniċi, strumenti għall-ġestjoni tat-tiftix/risposti u l-monitoraġġ tal-progress, proċeduri sabiex jitressqu u jiġu risolti lmenti, faċilitajiet multilingwali għar-riċerka, mistoqsijiet u tweġibiet fissi iżda miftuħa, direttorji bid-dettalji ta’ kuntatt eċċ.

6.5   L-inizjattiva tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali għandha tinkludi l-informazzjoni kollha li għandha tiġi ppubblikata b’mod obbligatorju u jingħata aċċess għal din l-informazzjoni mill-file elettroniku fir-reġistri nazzjonali u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji mingħajr spejjeż addizjonali b’mod partikolari fuq l-SMEs. Jidher li l-IMI tista’ toffri mezz vijabbli biex tiġi faċilitata l-komunikazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri differenti.

6.6   Hija u ssir il-valutazzjoni tal-impatt, jeħtieġ li tiġi kkunsidratai l-applikazzjoni ta’ dawn l-aspetti:

punt uniku ta’ aċċess għan-netwerk tar-reġistri kummerċjali;

identifikatur uniku għal kumpanija fil-livell Ewropew;

sistema uniformi ta’ fatturar (invoicing);

Ċertifikat Ewropew maħruġ mir-reġistru kummerċjali standardizzzat fl-UE;

sett minimu ta’ data li għandha tiġi armonizzata u applikata fil-livell tal-UE inkluż servizzi ta’ informazzjoni tal-istess kwalità f’kull Stat Membru.

6.7   Kooperazzjoni f’dan il-qasam hija importanti ħafna bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali, tal-UE, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv COM(2010) 2020 finali.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa, COM(2008)394 finali.

(3)  Reġistru Ewropew tan-Negozju.

(4)  Interoperabilità tar-Reġistri Kummerċjali Madwar l-Ewropa.


ANNESS

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emenda li ġejja, li ġabret mill-inqas kwart tal-voti mixħuta, ġiet irrifjutata matul id-dibattitu [Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura]:

Punt 2.1

Ibdel kif ġej:

“L-UE għandha 27 reġistru kummerċjali li joperaw fuq bażi nazzjonali jew reġjonali. Huma jirreġistraw ir-reġistrazzjoni tal-intraprendituri u ta’ persuni f'karigi oħra stabbiliti mil-liġi, kif ukoll il-legalizzazzjoni tal-kontabbiltà tal-intraprendituri, il-ħatra tal-esperti indipendenti u tal-awdituri, u d-depożitu u l-pubblikazzjoni tal-kotba tal-kontijiet li jiġu ppreżentati, b'konformità mal-leġislazzjoni tal-UE.”

Raġuni

Will be given orally.

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

22

Kontra

:

24

Astensjonijiet

:

2

It-testi li ġejjin mill-opinjoni tas-sezzjoni ġew irrifjutati u ħadu posthom emendi adottati mill-assemblea iżda li ġabru mill-inqas kwart tal-voti mixħuta:

Punt 2.2

“Madankollu, filwaqt li l-informazzjoni uffiċjali dwar il-kumpaniji hija faċilment disponibbli fil-pajjiż fejn dawn ikunu ġew irreġistrati (ir-reġistri kummerċjali fl-Istati Membri kollha ilhom disponibbli elettronikament u onlajn mill-1 ta’ Jannar 2007), l-aċċess għall-istess informazzjoni minn Stat Membru ieħor jista' jkun imfixkel minħabba ostakoli tekniċi (kundizzjonijiet u strutturi differenti ta’ riċerka) jew lingwistiċi.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

44

Kontra

:

29

Astensjonijiet

:

2

Punt 4.1

“Il-Kumitat huwa favur l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn ir-reġistri kummerċjali fl-Istati Membri tal-UE kollha bil-għan li jiġi faċilitat l-aċċess għal informazzjoni uffiċjali u affidabbli dwar il-kumpaniji transkonfinali u sabiex tiżgura t-trasparenza fis-suq uniku filwaqt li żżid il-protezzjoni tal-partijiet interessati u l-partijiet terzi (kredituri, is-sieħba fin-negozju u l-konsumaturi eċċ.) b'mod partikolari fil-proċeduri transkonfinali (bħal fużjonijiet transkonfinali, trasferimenti tas-sede jew proċeduri ta’ insolvenza).”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

49

Kontra

:

29

Astensjonijiet

:

5

Punt 4.4

“L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali għandha żżid it-trasparenza u l-kooperazzjoni bejn in-negozji, telimina l-ostakli għall-attivitajiet kummerċjali transkonfinali u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi. Dan huwa kruċjali għat-tisħiħ tas-suq uniku u għall-promozzjoni ta’ progress ekonomiku u soċjali bilanċjat u sostenibbli.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

50

Kontra

:

40

Astensjonijiet

:

6

Punt 4.5

“Il-KESE jemmen li ż-żewġ għanijiet stabbiliti fil-Green Paper huma limitati u jirrakkomanda li jiżdiedu żewġ għanijiet oħra magħhom. L-għan prinċipali tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali għandu jkun li jitwaqqaf strument ta’ tbassir bħala għodda ta’ ġestjoni għall-evalwazzjoni tal-iżvilupp u l-prestazzjoni tan-negozji tal-UE. Dan isaħħaħ l-istrateġiji u l-politiki fil-qasam fil-livelli kollha (Ewropej, reġjonali u lokali). L-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali għandha timmira wkoll li tagħti spinta lil—kooperazzjoni bejn in-negozji fl-UE.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

54

Kontra

:

44

Astensjonijiet

:

7

Punt 5.3.1

“Fir-rigward tal-konnessjoni tan-netwerk tar-reġistri kummerċjali man-netwerk elettroniku ta’ informazzjoni regolata dwar il-kumpaniji kwotati stabbilit taħt id-Direttiva dwar it-Trasparenza (2004/109/EC), il-Kumitat jemmen li dan l-għan għandu jitwettaq wara l-interkonnessjoni sħiħa tar-reġistri kummerċjali u li għandha titwettaq valutazzjoni tal-impatt tad-diffikultajiet tekniċi involuti, kemm ser ikollha effett din il-miżura, il-valur miżjud reali tagħha u l-ispejjeż involuti.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

61

Kontra

:

31

Astensjonijiet

:

8

Punt 5.4.1

“Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-Green Paper, il-Kumitat jipproponi li tintgħażel soluzzjoni li tintegra u tibni fuq il-mekkaniżi u l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni kollha li jeżistu, b'mod partikolari l-EBR, il-BRITE u l-ġustizzja elettronika bil-għan li l-EBR jiġi estiż fl-Istati Membri kollha u żviluppat f'sistema avvanzata, innovattiva u interoperabbli fil-forma ta’ pjattaforma ta’ servizz tal-ICT u strument effettiv ta’ ġestjoni tat-tbassir li jgħaqqad ir-reġistri kummerċjali fl-UE u li jagħti spinta lill-kooperazzjoni bejn in-negozji u jevalwa l-iżvilupp tagħhom u li jiġi integrat fil-portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

51

Kontra

:

37

Astensjonijiet

:

7

Punt 5.4.2

“Is-soluzzjoni li qed jipproponi l-Kumiat (li l-EBR jiġi estiż għall-Istati Membri kollha u li jittejjeb il-funzjonament tiegħu billi dan jibni fuq ir-riżultati tal-proġett BRITE filwaqt li n-netwerk jiġi integrat fil-portal tal-ġustizzja elettronika) ikollha dawn l-effetti: hija tiżgura l-kontinwità tal-esperjenza li nkisbet mill-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-pjattaformi tal-IT u l-manteniment tal-livell ta’ rikonoxximent tagħhom , tevita l-konfużjoni li tista' tinħoloq jekk jitneda strument ġdid li jipprovdi informazzjoni simili u identika għal dik tal-EBE u jiġu multiplikati r-riżultati tal-investiment li diġà sar inkluż permezz tal-fondi tal-UE u b'hekk ikun hemm inqas spejjeż ta’ implimentazzjoni.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

55

Kontra

:

33

Astensjonijiet

:

7

Punt 6.5

“Hija u tintgħażel is-soluzzjoni finali, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-aspetti legali relatati mad-drittijiet tal-awtur, it-trasmissjoni tad-data u l-protezzjoni tad-data personali b'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali u Ewropea.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

53

Kontra

:

42

Astensjonijiet

:

3

Punt 6.6

“L-inizjattiva tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali għandha timmira li tinkludi l-informazzjoni kollha li hemm bżonn tiġi żvelata u jingħata aċċess għal din l-informazzjoni mill-file elettroniku tal-kumpaniji fir-reġistri nazzjonali u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji mingħajr spejjeż addizjonali b'mod partikolari fuq l-SMEs.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

56

Kontra

:

33

Astensjonijiet

:

3

Punt 6.7

“Il-kooperazzjoni u s-sħubiji għandhom jiġu promossi man-negozji li jipprovdu servizzi simili għal dawk li jitwettqu min-netwerk il-ġdid tar-reġistri kummerċjali.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

53

Kontra

:

40

Astensjonijiet

:

1

Punt 1.3

“Il-KESE jirrakkomanda li jiżdiedu żewġ għanijiet ma’ dawk stabbiliti fil-Green Paper bil-għan li:

jitwaqqaf strument ta’ tbassir bħala għodda ta’ ġestjoni għall-evalwazzjoni tal-iżvilupp u l-prestazzjoni tan-negozji tal-UE. Dan isaħħaħ l-istrateġiji u l-politiki fil-qasam fil-livelli kollha, u;

jagħti spinta lill-kooperazzjoni transkonfinali.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

54

Kontra

:

38

Astensjonijiet

:

1

Punt 1.8

“Sabiex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-Green Paper, il-Kumitat jipproponi li tintgħażel soluzzjoni li tintegra u tibni fuq il-mekkaniżi u l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni kollha li jeżistu b'mod partikolari l-EBR, il-BRITE u l-Ġustizzja elettronika (e-Justice) bil-għan li l-EBR jiġi estiż u żviluppat f'sistema avvanzata, innovattiva u interoperabbli fil-forma ta’ pjattaforma ta’ servizz tal-ICT u strument effettiv ta’ ġestjoni tat-tbassir li jgħaqqad ir-reġistri kummerċjali fl-UE u li jagħti spinta lill-kooperazzjoni bejn in-negozji u jevalwa l-iżvilupp tagħhom u li jiġi integrat fil-portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

51

Kontra

:

37

Astensjonijiet

:

7

Punt 1.10

“Fir-rigward tal-fergħat tal-kumpaniji f'pajjiżi oħra, il-Kumitat jappoġġja l-bini u l-iżvilupp tar-riżultati tal-proġett BRITE u s-soluzzjoni tan-notifka awtomatika bejn ir-reġistri.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

56

Kontra

:

33

Astensjonijiet

:

3

Punt 1.11

“Jekk jingħażel korp kompetenti li jmexxi, jespandi u jiżviluppa l-EBR u jiżgura l-finanzjament adatt tal-proġett mill-fondi tal-UE, il-bini tan-netwerk li jinkludi r-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri kollha u l-ksib fil-perijodu qasir u medju ta’ dawn l-objettivi ser jitħaffef.”

Riżultat tal-votazzjoni

Favur

:

54

Kontra

:

38

Astensjonijiet

:

1


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/129


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka”

COM(2010) 187 finali

2011/C 48/22

Relatur: is-Sur WOLF

Nhar id-29 ta’ April 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Kommunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Is-semplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programmi qafas tar-riċerka

COM(2010) 187 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar il-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’114-il vot favur u astensjoni waħda.

1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-programmi tar-riċerka tal-UE għandhom isiru iktar effiċjenti u attraenti. Għalhekk huwa essenzjali li l-implimentazzjoni tagħhom tiġi ssemplifikata.

1.2   Konsegwentement, il-Kumitat jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u japprova l-proposti tagħha b’mod ġenerali.

1.3   Jilqa’ wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni tas-26 ta’ Mejju 2010 dwar l-istess suġġett.

1.4   Il-varjetà dejjem ikbar tad-diversi programmi u l-istrumenti tagħhom, b’regoli u proċeduri kultant differenti ħafna, saret waħda mill-problemi prinċipali tal-promozzjoni tar-riċerka mill-UE. Dan ħoloq kumplessità kbira li tfixkel lill-applikanti u lill-benefiċjarji u li ser tkompli tikber minħabba r-regoli u r-regolamenti differenti tad-diversi Stati Membri u l-korpi ta’ finanzjament.

1.5   Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li ssir armonizzazzjoni progressiva tar-regoli u l-proċeduri rilevanti, bħala l-ewwel pass għall-promozzjoni tar-riċerka fl-UE fuq perijodu twil, iżda wkoll bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni. Huwa biss wara dan li ż-Żona Ewropea tar-Riċerka tkun kompluta.

1.6   Il-finanzjament tar-riċerka fl-UE għandu bżonn bilanċ aħjar bejn il-libertà u l-kontroll. Dan jikkonċerna fuq kollox it-tfassil tar-regoli kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika. Il-Kumitat jirrakkomanda li jittieħed approċċ ibbażat fuq il-fiduċja li jkun fiċ-ċentru tal-finanzjament Ewropew tar-riċerka. B’rabta ma’ dan huwa jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni favur żieda fil-livell ta’ tolleranza fir-rigward tar-riskju ta’ żball tollerabbli (TRE) speċifiku għar-riċerka  (1).

1.7   Bħala passi konkreti addizzjonali l-Kumitat jirrakkomanda, fl-ispirtu tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni:

rikonoxxenza tal-proċeduri ta’ kontabilità tal-benefiċjarji tal-finanzjamenti, skont il-liġijiet vinkolanti applikabbli f’kull Stat Membru;

applikazzjoni adegwata u effiċjenti tar-regoli fil-prattika;

konsiderazzjoni tal-kontributi globali bħala għażla fakultattiva iżda mhux bħala skuża għal finanzjament iktar baxx; il-kalkolu għandu jsir fuq il-bażi tal-ispejjeż reali;

l-ikbar koerenza u trasparenza possibbli fil-proċeduri;

kontinwità u stabbiltà mill-aqwa tad-dispożizzjonijiet legali u tal-proċeduri;

esperti b’esperjenza, rikonoxxuti internazzjonalment, bħala aġenti tal-koordinazzjoni b’ambitu ta’ azzjoni suffiċjenti fil-qasam tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

strateġija tal-verifika koerenti u definita skont proċeduri ċari;

żvilupp addizzjonali tal-għodod tal-IT;

possibbiltà ta’ rimborż tal-VAT;

semplifikazzjoni speċifika għall-SMEs;

linji gwida affidabbli, ċari u fil-ħin (struzzjonijiet dwar l-użu) għall-programmi u l-istrumenti ta’ finanzjament.

1.8   Fir-rigward tat-tieni proposta tal-Kummissjoni dwar il-konsiderazzjoni ta’ “finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati” bħala metodu ta’ finanzjament alternattiv tal-programm qafas li jmiss, il-Kumitat huwa pjuttost xettiku, sakemm ma jkollux f’idejh spjegazzjoni iktar dettaljata u ċara tal-Kummissjoni li biha jkun jista’ jivvaluta b’mod oġġettiv x’għandu jew x’jista’ jinftiehem b’dawn it-termini fil-livell proċedurali. Madankollu, huwa ċar li l-kompitu u l-għan ewlieni ta’ kull programm ta’ finanzjament tar-riċerka għandu jkun li jinkiseb għarfien importanti u ġdid bl-iktar mod effiċjenti, u billi wieħed jadatta r-regoli u r-regolamenti u l-applikazzjoni tagħhom għal dan il-għan.

1.9   Flimkien mas-semplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri legali, amministrattivi u finanzjarji, huwa daqstant importanti li jiġu wkoll issemplifikati l-proċeduri ta’ applikazzjoni u valutazzjoni xjentifiċi u tematiċi, sabiex ir-regolazzjoni eċċessiva u l-varjetà ta’ rapporti obbligatorji, proċeduri ta’ applikazzjoni, rappurtar, valutazzjoni u approvazzjoni jitnaqqsu u jiġu armonizzati.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tkompli tissemplifika l-implimentazzjoni tal-programm Ewropew tar-riċerka. Il-Komunikazzjoni tittratta l-ewwel u qabel kollox il-kwistjonijiet finanzjarji.

2.2   Il-possibbiltajiet ippreżentati fil-Komunikazzjoni għal semplifikazzjoni addizzjonali jistgħu jinqasmu fi tliet partijiet:

—   Parti 1: Semplifikazzjoni tal-ġestjoni tal-proposti u tal-għotjiet skont ir-regoli eżistenti

—   Parti 2: Adattament tar-regoli skont is-sistema bbażata fuq l-ispejjeż reali

—   Parti 3: Ngħaddu għal finanzjamant ibbażat fuq ir-riżultati minflok dak ibbażat fuq l-ispejjeż

2.3   L-ewwel parti tippreżenta t-titjib prattiku fil-proċessi u l-għodod li l-Kummissjoni diġà bdiet timplimenta.

2.3.1   It-tieni parti tkopri l-bidliet fir-regoli eżistenti li jippermettu aċċettazjoni aktar wiesgħa tal-prattiki tal-kontabilità abitwali (inklużi l-ispejjeż medji tal-persunal), it-tnaqqis fil-varjetà ta’ kundizzjonijiet speċjali, dispożizzjoni għall-maniġers-sidien ta’ SMEs u bidla fil-proċess tal-għażla tal-għotjiet. Il-biċċa l-kbira tal-proposti f’dan il-livell jikkonċernaw il-ħolqien ta’ programmi qafas futuri.

2.3.2   It-tieliet parti tippreżenta l-possibbiltajiet biex titħejja bidla minn finanzjament orjentat ibbażat fuq l-ispejjeż għal finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati. B’dan il-mod ir-rappurtar u l-kontroll għandhom jgħaddu mill-qasam finanzjarju għall-qasam xjentifiku u tekniku.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Importanza, effikaċja u interess tal-programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp. Il-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp huwa wieħed mill-iktar strumenti Komunitarji importanti biex jiġu żgurati u jissaħħu l-kompetittività u l-benessri tal-Ewropa, biex jiġu sodisfatti l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex tinħoloq iż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Għalhekk huwa importanti li l-programm qafas għar-riċerka jiġi implimentat bl-iktar mod effiċjenti possibbli. Il-parteċipazzjoni fil-programm qafas għandha tkun attraenti għall-aqwa xjenzjati u istituti kif ukoll għall-industrija u l-SMEs: l-involviment fih għandu jkun interessanti u jiġi kkunsidrat bħala premju. Dan jeħtieġ kundizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji attraenti u effikaċi għall-benefiċjarji.

3.2   Semplifikazzjoni meħtieġa. B’mod ġenerali, hemm bżonn ċar ta’ titjib u semplifikazzjoni konsiderevoli tal-proċeduri u r-regoli. Għalhekk il-Kumitat kemm-il darba sejjaħ għal semplifikazzjoni tal-proċeduri marbutin mal-użu tal-programm qafas tar-riċerka, u nnota bi pjaċir li l-ewwel miżuri diġà ġew implimentati fis-seba’ programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp.

3.3   Konklużjonijiet tal-Kunsill. Konsegwentement, il-Kumitat jilqa’ wkoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2010 (2). Il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet addizzjonali tal-Kumitat għandhom iservu biex il-punti mqajma f’dan il-Kunsill jiġu approfonditi u appoġġjati.

3.4   Approvazzjoni ġenerali. B’mod ġenerali l-Kumitat jilqa’ u jappoġġja l-inizjattivi u l-ideat tal-Kummissjoni hekk kif ippreżentati fil-Komunikazzjoni tagħha. Ħafna mill-miżuri proposti huma adatti u jistgħu jwasslu għal titjib sinifikanti. Għaldaqstant il-Kumitat jappoġġjahom. Dan jgħodd pereżempju għat-tnaqqis tal-burokrazija marbuta mal-proposti u l-għoti tal-għajnuna finanzjarja fil-qafas tar-regoli eżistenti jew l-aċċettazzjoni iktar wiesgħa tal-proċeduri tal-kontabilità u t-tfassil tar-rapporti tal-benefiċjarji. Madankollu dan mhux ser jippermetti li jiġu skartati għal kollox il-kawżi prinċipali tal-kumplessità attwali; ser jikkontribwixxi biss għal trażżin tal-impatt. Għaldaqstant hemm bżonn ta’ sforzi fuq perijodu twil, fl-interess tas-suq komuni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, sabiex jitwarrbu l-kawżi ewlenin tal-problema.

3.5   Kawża ewlenija tal-kumplessità attwali. Problema kbira tal-promozzjoni tar-riċerka fl-UE hija d-diversifikazzjoni dejjem tikber tal-programmi u l-istrumenti tal-UE. L-istrumenti u l-programmi ta’ promozzjoni kultant għandhom regoli u proċeduri proprji u differenti ħafna minn xulxin (bħall-JTIs skont l-Artikolu 187, l-inizjattivi skont l-Artikolu 185, EIT, ERA-Nets, PPP, eċċ.). Dan iwassal għal kumplessità dejjem ikbar għall-benefiċjarji li mhux biss ixxekkel l-effiċjenza tar-riżorsi investiti, iżda wkoll il-ġibda tax-xjenzjati lejn il-programm qafas. Min-naħa tiegħu dan jipperikola s-suċċess tal-programm qafas.

3.5.1   Regoli differenti tal-Istati Membri. Din il-kumplessità hija aggravata mid-differenzi, kultant kbar, bejn ir-regoli u r-regolamenti fid-diversi Stati Membri u l-kontributuri nazzjonali, li jaqdu rwol konsiderevoli, ħafna drabi deċiżiv, fil-proġetti ta’ appoġġ. Ta’ min ifakkar, biex il-problema tiġi analizzata fit-totalità tagħha, li kważi l-proġetti kollha appoġġjati mill-Kummissjoni (bl-eċċezzjoni ta’ dawk tal-European Research Council, ERC) jitolbu l-parteċipazzjoni ta’ riċerkaturi u kontributuri minn mill-inqas tliet Stati Membri!

3.6   Armonizzazzjoni tar-regoli. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li l-atturi kollha responsabbli għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka jnaqqsu din id-diversità u l-varjetà ta’ regoli legali, amministrattivi u finanzjarji fil-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp: hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni/standardizzazzjoni u tnaqqis tar-regoli marbutin mal-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp. L-istrumenti ta’ finanzjament tajbin tal-programm qafas għandhom jiġu identifikati u żviluppati b’mod adegwat. Għall-miżuri Ewropej kollha ta’ appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp għandu jkun hemm qafas legali uniku.

3.7   Objettiv addizzjonali. It-tieni objettiv għandu jkun l-istandardizzazzjoni tal-istrumenti ta’ appoġġ u l-proċeduri ta’ kalkolu tal-ispejjeż (ara wkoll punt 4.1), mhux biss fi ħdan il-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp stess, iżda wkoll bejn l-Istati Membri u mal-Kummissjoni. B’hekk uħud mill-fatturi magħrufa li jostakolaw l-iżvilupp tal-mobbiltà transkonfinali bejn ix-xjenzjati jkunu jistgħu jingħelbu. B’mod ġenerali dan ikun pass konsiderevoli biex tiġi kkompletata ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Anke jekk dan l-għan importanti llum għadu jista’ jitqies bħala utopiku, xorta waħda għandna nkomplu nimmiraw lejh, b’paċenzja u determinazzjoni, forsi anke permezz ta’ approċċ gradwali. Għax jekk dan isir, inkunu għamilna l-pass importanti li hemm bżonn biex tiġi kkompletata ż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

3.7.1   Pluralità fir-riċerka. Madankollu dan it-tip ta’ standardizzazzjoni m’għandu bl-ebda mod iwassal għal trażżin tal-pluralità tal-metodi, l-approċċi u l-firxa ta’ suġġetti ta’ riċerka (3), li l-Kumitat jikkunsidra bħala vitali. Il-pluralità (fir-riċerka) mhijiex ħalja, iżda hija mezz neċessarju ta’ kif jista’ jittejjeb u jitwettaq il-progress fit-tfittxija għal għarfien ġdid u tekniki ġodda, u hija kundizzjoni sine qua non għall-progress xjentifiku.

3.8   Bilanċ bejn il-libertà u l-kontroll. Fil-prinċipju, jeħtieġ li jkun hemm rabta bbilanċjata bejn il-libertà u l-kontroll. Dan jikkonċerna kemm it-tfassil tar-regoli kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom fil-prattika. Sakemm tintlaħaq is-semplifikazzjoni tar-regoli, jeħtieġ urġentement li l-applikazzjoni tar-regoli tkun iktar flessibbli u prammatika. Fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tar-regoli, l-iżvilupp tal-proġetti u l-użu effiċjenti tar-riżorsi għandhom jingħataw prijorità fuq il-prevenzjoni tar-riskju li jsir żball. L-istandards espressi b’mod astratt tar-regoli tal-parteċipazzjoni u tal-baġit joħolqu flessibbiltà kbira. Dawn għandhom jiġu użati biex tinkiseb promozzjoni mill-aħjar tar-riċerka u ġestjoni effiċjenti tal-fondi. Il-Kumitat ifakkar fir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu, essenzjalment flessibbiltà ikbar fid-deċiżjonijiet li jistgħu jieħdu l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan il-Kummissjoni u tolleranza ikbar fir-rigward tar-riskju li jsir żball. Il-biża’ li individwi jagħmlu żbalji m’għandhiex twassal għal regolamentazzjoni eċċessiva u ostakoli għal kulħadd. Għandu japplika l-istess prinċipju għall-modus operandi tal-korpi ta’ finanzjament u r-riċerkaturi.

3.9   Approċċ ibbażat fuq il-fiduċja. L-iżbalji fil-kalkolu tal-ispejjeż huma ġeneralment dovuti għall-kumplessità tal-kriterji ta’ finanzjament u m’għandhom l-ebda għan qarrieqi. Għaldaqstant għandha ssir distinzjoni bejn l-iżbalji u l-frodi. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni jadottaw approċċ ibbażat fuq il-fiduċja u jpoġġuh fil-qalba tal-promozzjoni Ewropea tar-riċerka. B’rabta ma’ dan huwa jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni favur żieda fil-livell ta’ tolleranza fir-rigward tat-teħid tar-riskju fil-qasam tar-riċerka (4).

3.10   Uffiċjali kkwalifikati u impenjati. Għall-implimentazzjoni tal-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp il-Kummissjoni teħtieġ uffiċjali kkwalifikati b’għarfien xjentifiku espert rikonoxxut mill-komunità xjentifika internazzjonali (5). L-impenn tagħhom għal riżultati mill-aqwa u żvilupp effiċjenti tal-programmi m’għandux ibati żżejjed minħabba l-biża’, totalment iġġustifikata, li jsir żball proċedurali minħabba l-kumplessità tas-sistema, u l-konsegwenzi ta’ dan. Iżda dan ifisser ukoll li wieħed m’għandux jiġi kkunsidrat responsabbli għall-iżbalji li jsiru b’mod eċċessiv. Huwa wkoll minħabba f’hekk li s-semplifikazzjoni, il-flessibbiltà u ċ-ċarezza huma essenzjali.

3.11   It-trasparenza bħala mekkaniżmu ta’ kontroll addizzjonali. Inevitabbilment, il-flessibbiltà ikbar fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li qiegħed jirrakkomanda l-Kumitat u li ttejjeb l-effikaċja tal-atturi kompetenti fi ħdan il-Kummissjoni tinvolvi wkoll potenzjal addizzjonali għal żbalji u trattament preferenzjali. Madankollu billi l-Kumitat dejjem enfasizza li l-apertura u t-trasparenza totali kienu essenzjali fil-qasam tal-appoġġ tar-riċerka, il-komunità tal-utenti infurmati u r-reazzjonijiet tagħha jirrappreżentaw fattur ta’ korrezzjoni addizzjonali kontra l-iżbalji potenzjali.

3.12   L-importanza tal-kontinwità u l-istabbiltà. Il-ġestjoni ta’ sistemi tant kumplessi titlob proċess ta’ tagħlim tqil u l-ksib ta’ rutina; dan jgħodd kemm għall-uffiċjali tal-Kummissjoni kif ukoll għall-benefiċjarji potenzjali, b’mod speċjali għall-SMEs li m’għandhomx ir-riżorsi biex jiftħu dipartiment legali li jieħu ħsieb dawn il-kwistjonijiet. Għalhekk il-kontinwità progressiva tal-proċess mhux biss ittejjeb iċ-ċertezza legali iżda tissemplifika wkoll il-ġestjoni tas-sistema. Għaldaqstant kull tibdil ippjanat, anke jekk iservi biex jissemplifika s-sistema, għandu jiġi vvalutat bi tqabbil mat-telf ta’ kontinwità u stabbiltà: is-semplifikazzjoni mixtieqa għandu jkollha valur miżjud konsiderevoli meta mqabbla mat-telf ta’ kontinwità u stabbiltà.

3.13   Semplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ applikazzjoni u valutazzjoni. Flimkien mas-semplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri legali, amministrattivi u finanzjarji (punti 3.6 u 3.7), huwa daqstant importanti li jiġu wkoll issemplifikati l-proċeduri xjentifiċi u tematiċi ta’ applikazzjoni, valutazzjoni u monitoraġġ, sabiex ir-regolamentazzjoni eċċessiva u l-pataflun ta’ rekwiżiti Ewropej u nazzjonali għal rappurtar istituzzjonali, proċeduri ta’ applikazzjoni, reviżjonijiet, evalwazjonijiet, arranġamenti għall-awtorizzazzjoni, eċċ. u fejn huwa neċessarju li jitneħħa minnhom dak li m’huwiex meħtieġ. Il-Kumitat jiddispjaċih li dan l-aspett lanqas biss jissemma fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Għalhekk huwa jerġa’ jirrakkomanda li l-Kummissjoni, bi qbil mal-Istati Membri u r-rappreżentanti tagħhom, tagħmel li tista’ biex tarmonizza u tiġbor flimkien id-diversi proċeduri ta’ applikazzjoni, monitoraġġ u valutazzjoni fil-livelli istituzzjonali, nazzjonali u Ewropej li ħafna drabi jirkbu fuq xulxin. B’hekk jiġi evitat li r-riċerkaturi kkwalifikati – u b’mod ġenerali l-kapital uman – jintilfu mingħajr raġuni. Filwaqt li sar xi progress f’dan ir-rigward fi ħdan is-seba’ programm qafas, għad fadal ħafna x’jista’ jsir. Is-soluzzjonijiet potenzjali għandhom jiżguraw li l-Istati Membri jkomplu jipparteċipaw kif jixraq fil-proċess ta’ allokazzjoni tal-għajnuniet fi ħdan il-korpi u l-kumitati.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Proċeduri ta’ ħlas ta’ spejjeż tal-Istati Membri. Fil-fehma tal-Kumitat, il-proposta tal-Kummissjoni għal “ aċċettazzjoni aktar wiesgħa tal-prattiki tal-kontabilità abitwali ” twassal effettivament għal semplifikazzjoni konsiderevoli. Iżda dan huwa biss minnu jekk l-għan ġenwin – approvat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri – huwa li jkun possibbli li jintużaw għall-programmi qafas tar-riċerka u l-iżvilupp ukoll l-arranġamenti u l-proċeduri ta’ ħlas stabbiliti taħt ir-regoli nazzjonali dwar il-finanzjament tar-riċerka li huma fis-seħħ f’kull Stat Membru. Il-Kumitat huwa konxju li dan jista’ jwassal għal inugwaljanzi fit-trattament iżda dawn għandhom jiġu ttollerati sabiex titwettaq tassew is-semplifikazzjoni mixtieqa. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda bis-sħiħ li din il-proposta tal-Kummissjoni tiġi applikata, b’mod effiċjenti u mingħajr riżervi, għall-kategoriji kollha tal-ispejjeż, bil-kundizzjonijiet imsemmijin hawn.

4.1.1   Possibbiltà ta’ rimborż tal-VAT. Ċerti proġetti ta’ riċerka jinkludu l-VAT fl-ispejjeż tagħhom. Ir-regoli baġitarji Ewropej jippermettu li f’ċerti ċirkostanzi l-VAT tkun tista’ tiġi sovvenzjonata. Fil-fatt dan ir-regolament diġà qiegħed jiġi applikat fil-biċċa l-kbira tal-programmi ta’ riċerka Ewropej. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li fil-ġejjieni l-VAT titqies bħala spiża rimborżabbli fil-programmi qafas tar-riċerka u l-iżvilupp.

4.2   Limitazzjoni tal-varjetà tar-regoli. Hemm bżonn urġenti li l-għadd kbir ta’ regoli dwar id-diversi programmi u strumenti jiġi llimitat (ara punt 3.6). Madankollu m’għandux ikun hemm soluzzjoni waħda għall-benefiċjarji kollha, billi approċċ ta’ dan it-tip ma jkunx ġust għad-diversi parteċipanti tal-programmi qafas tar-riċerka u l-iżvilupp, anke jekk jikkontribwixxi għas-semplifikazzjoni. Għalhekk għandha tinżamm mill-inqas id-distinzjoni attwali bejn id-diversi organizzazzjonijiet. Għaldaqstant il-Kumitat jirrakkomanda li ma jiġux adottati l-proposti tal-Kummissjoni taħt dan it-titolu għal approċċ finanzjarju uniku għall-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet kollha.

4.3   Awtorizzazzjoni tat-testijiet bi prova. Il-limitazzjoni tan-numru ta’ regoli u r-rekwiżit tal-kontinwità u l-istabbiltà fir-regoli (ara wkoll punt 3.12) m’għandhomx jibblukkaw is-sistema. Strumenti ġodda għandhom jiġu awtorizzati bħala esperiment u ttestjati, qabel ma jiġi deċiż li jkunu soġġetti għar-regoli attwali.

4.4   Definizzjonijiet u linji gwida ċari – struzzjonijiet għall-użu. Fis-sistemi kumplessi huwa kruċjali li jkun hemm definizzjoni ċara u mhux ambigwa tal-kunċetti, ir-regoli, il-proċeduri u l-proċessi sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jaħdmu b’mod effiċjenti. Dan jgħodd ukoll għad-disponibbiltà f’waqtha ta’ linji gwida u “struzzjonijiet” affidabbli min-naħa tal-Kummissjoni. Minn banda, il-linji gwida għandhom joffru ambitu ta’ azzjoni suffiċjenti sabiex il-karatteristiċi differenti tal-benefiċjarji jiġu kkunsidrati b’mod adegwat. Mill-banda l-oħra, il-benefiċjarji għandhom ikunu jistgħu jafdaw fir-rakkomandazzjonijiet li jingħatawlhom. Dan ir-rekwiżit m’huwiex kontradizzjoni tal-flessibbiltà meħtieġa iżda jippermetti pjuttost li din tintuża bis-sħiħ. Iżda l-Kumitat jagħraf li hemm problema partikolari fl-aħħar parti, l-iktar waħda revoluzzjonarja, tal-proposti tal-Kummissjoni (ara punt 4.8 ukoll).

4.5   Strateġija ta’ verifika koerenti. L-istrateġija ta’ verifika futura tal-Kummissjoni hija element importanti tal-proċess ta’ semplifikazzjoni (ara wkoll punti 3.9 u 4.1). Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li l-istrateġija ta’ verifika terġa’ tiġi ddefinita bil-għan li jittejbu kemm l-effikaċja tal-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp kif ukoll is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi. Ikun ukoll xieraq li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet li fihom għandhom jiġu vverifikati l-proċeduri ta’ kontabilità eżistenti tal-Istati Membri, inklużi l-arranġamenti potenzjali għall-ħlas tal-ispejjeż medji tal-persunal.

4.6   Aktar kontributi globali fi ħdan l-approċċ attwali bbażat fuq l-ispejjeż reali. Fi prinċipju l-Kumitat japprova din il-proposta tal-Kummissjoni li tista’ taffettwa diversi tipi ta’ spejjeż. Fiha l-Kummissjoni tara wkoll il-possibbiltà li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni tal-SMEs. Madankollu l-Kumitat japprova din il-proposta bil-kundizzjoni li l-kontribut globali jkopri l-ispejjeż reali u ma jkunx skuża biex jitnaqqas il-finanzjament, iżda jibqa’ għażla fakultattiva.

4.6.1   Spejjeż reali bħala bażi tal-ħlas tal-kontributi globali. Fi prinċipju l-allokazzjoni finanzjarja – jiġifieri l-kontribut globali offrut – għandha tkun ibbażata fuq l-ispejjeż reali tal-benefiċjarji. Huwa biss meta l-finanzjament mill-programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp jilħaq ċertu somma li jkun interessanti għal ogranizzazzjoni potenzjalment benefiċjarja li tipparteċipa fil-programmi Ewropej tar-riċerka minkejja l-isforzi amministrattivi u oħrajn meħtieġa. U huwa biss f’dan il-punt li l-objettivi f’termini ta’ kompetittività u kapaċità ta’ innovazzjoni jintlaħqu bis-sħiħ.

4.7   Għodod tal-IT sodi għall-ġestjoni tal-proġetti. L-użu ta’ sistemi tal-internet għall-implimentazzjoni globali ta’ proġett, mit-tressiq tal-applikazzjonijiet sa tmiem il-proġett, għandu potenzjal kbir biex inaqqas konsiderevolment ix-xogħol amministrattiv kemm min-naħa tal-Kummissjoni kif ukoll min-naħa tal-applikant. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni f’din direzzjoni. Madankollu l-istrumenti mfassla mill-Kummissjoni għall-użu tal-applikanti għandhom jaħdmu mingħajr xkiel. Anke jekk is-softwer ġdid żviluppat għas-seba’ programm qafas jiffaċilita l-ħidma tal-Kummissjoni, m’għandux jikkomplika l-proċedura għall-applikant. Softwer mhux effiċjenti (pereżempju n-NEF) u strutturi ta’ dokumenti inkompatibbli (pereżempju bejn stadju tal-proġett u ieħor) joħolqu xogħol amministrattiv addizzjonali u żejjed għall-applikanti kollha. Il-Kumitat jirrakkomanda li dan il-punt jiġi kkunsidrat fl-istadji u l-livelli kollha tal-proġett u li fil-ġejjieni jiġu investiti iktar riżorsi fl-iżvilupp addizzjonali tal-għodod tal-IT.

4.8   Ngħaddu għal finanzjamant ibbażat fuq ir-riżultati minflok dak ibbażat fuq l-ispejjeż. Il-Kummissjoni tipproponi li fit-tmien programm qafas li ġej, tiġi kkunsidrata, bħala semplifikazzjoni ġdida u kunċett ta’ finanzjament alternattiv, it-tranżizzjoni minn finanzjament ibbażat fuq l-ispejjeż għal finanzjament ibbażat fuq ir-riżultati. Billi l-ewwel objettiv ta’ kull finanzjament tar-riċerka għandu jkun li jinkisbu għarfien u esperjenzi ġodda u li jintgħażel l-aqwa mod għal dan, din il-proposta tidher ferm attraenti mal-ewwel daqqa t’għajn. Għax ovvjament ir-regoli u l-applikazzjoni tagħhom għandhom jissodisfaw lil dan il-għan u jkunu soġġetti għalih.

4.8.1   Xettiċiżmu inizjali. Ftehim minn qabel dwar ir-riżultati konkreti ta’ proġett ta’ riċerka jidher problematiku: jagħti l-impressjoni ta’ riċerka mwettqa b’kuntratt. Dan mhux biss iqajjem problemi legali fir-rigward tal-akkwist pubbliku u tat-taxxi, iżda wkoll kwistjonijiet fir-rigward tal-mod kif inhi kkunsidrata r-riċerka. X’inhu r-riżultat tar-riċerka bażika? Din hija r-raġuni għalfejn il-Kumitat ser jibqa’ xettiku fir-rigward ta’ din il-proposta, sakemm ikun jista’, permezz ta’ spjegazzjoni dettaljata u ċara tal-Kummissjoni, jivvaluta b’mod oġġettiv x’jista’ jinftiehem konkretament b’riċerka bbażata fuq ir-riżultati u liema strumenti ser jintużaw għall-applikazzjoni tagħha. Il-Kumitat iqis li l-Kummissjoni stess tħeġġeġ dan ix-xettiċiżmu bl-attitudni ambigwa tagħha: Approċċi bbażati fuq ir-riżultati jesiġu definizzjoni attenta tal-output/riżultat fil-livell ta’ kull proġett individwali u analiżi bir-reqqa sabiex jiġu ffissati somom ta’ flus f’daqqa… Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li jkun hemm dibattitu dettaljat u maħsub sewwa bejn il-parteċipanti potenzjali kollha, li jwassal għal Komunikazzjoni addizzjonali ċara dwar il-finanzjament tar-riċerka bbażata fuq ir-riżultati, qabel ma jittieħdu passi konkreti oħra dwar dan.

4.8.2   Studju ta’ fattibbiltà u definizzjonijiet. Għar-raġunijiet ippreżentati hawn fuq, il-Kumitat jilqa’ studju ta’ fattibbiltà (ara wkoll punt 4.3) dwar ir-riċerka bbażata fuq ir-riżultati, sabiex l-opportunitajiet, ir-riskji, il-problemi u l-potenzjal ta’ semplifikazzjoni possibbli jkunu jistgħu jiġu vvalutati b’mod oġġettiv. Minflok finanzjament tar-riċerka bbażata fuq ir-riżultati forsi jkun preferibbli li jintużaw termini bħal “finanzjament ta’ proġetti bbażati fuq ir-riċerka” (6) (TRANS E science-based funding) jew “finanzjament tar-riċerka bbażata fuq il-programmi”.

4.8.3   Konsiderazzjoni tal-bżonnijiet speċjali tal-SMEs. L-allokazzjoni ta’ għajnuniet ibbażata fuq ir-riżultati inċerti tal-proġetti li għad iridu jinksibu tista’ tkun partikolarment problematika għall-SMEs. Jekk l-approvazzjoni tal-finanzjament tal-Kummissjoni tkun imxekkla minn nuqqas ta’ sigurtà sustanzjali, jista’, pereżempju, ikun diffiċli li jinkisbu l-fondi addizzjonali meħtieġa.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara wkoll COM(2010) 261 finali.

(2)  Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 28 ta’ Mejju 2010 - Konklużjonijiet tal-Kunsill għal programmi ssemplifikati u iktar effiċjenti għall-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea 10268/10.

(3)  ĠU C 44, 16.02.2008, p. 16 u punti 1.10 u 3.14.1.

(4)  Ara wkoll COM(2010) 261, finali.

(5)  Il-Kumitat jirreferi għall-opinjoni ĠU C 44, 16.02.2008, p. 1, li fil-punt 1.12 tagħha huwa jirrakkomanda “li l-korpi ta’ finanzjament, b’mod speċjali l-Kummissjoni, jinvolvu l-istaff li taw xhieda tal-kompetenza xjentifika tagħhom, li huma familjarji mal-karatteristiċi partikulari u l-”komunità“ ta’ dan il-qasam xjentifiku - u jaġġornaw l-għarfien tagħhom fit-tul (u b’hekk ir-rotazzjoni tax-xogħol fuq bażi regolari issir kontraproduttiva ).”

(6)  Proposta tal-grupp ta’ ħidma informali “Implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Qafas” taħt il-presidenza tas-Sur Herbert Reul (MPE).


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/134


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/68/KE fir-rigward id-dispożizzjonijiet għal magni introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà”

COM(2010) 362 finali – 2010/0195 (COD)

2011/C 48/23

Relatur uniku: is-Sur PEZZINI

Nhar is-7 ta' Settembru 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 97/68/KE fir-rigward id-dispożizzjonijiet għal magni introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà

COM(2010) 362 finali – 2010/0195 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta' Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (seduta tas-16 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni unanimament.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jinsab konvint li l-għan għaliex fis-suq Ewropew ġie introdott makkinarju mobbli mhux tat-triq – NRMM (Non-Road Mobile Machinery) – b’emissjonijiet ta' monossidu tal-karbonju, l-ossidi tan-nitroġenu, l-idrokarburi u l-partikolati (1) dejjem inqas u li jirrispettaw aktar lill-ambjent, ma setax jiġi evitat u jwieġeb għall-għanijiet li l-UE waqqfet għaliha nnifisha biex sal-2020 jitnaqqsu l-emissjonijiet perikolużi għas-saħħa u li jbiddlu l-klima.

1.2   Il-Kumitat jinsab konvint ukoll li, speċjalment f’perijodu ta' kriżi globali, fil-qasam finanzjarju, ekonomiku u tax-xogħol, hemm bżonn li l-industrija Ewropea li tipproduċi l-makkinarju NRMM tiġi żgurata:

livelli adegwati ta' kompetittività,

il-possibbiltajiet u l-ħin għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku,

livelli adegwati ta' flessibbiltà għall-applikazzjonijiet innovattivi għall-produzzjoni u għat-tibdil meħtieġ fl-istallazzjonijiet (2), li permezz tagħhom, u mingħajr riskji okkupazzjonali, ikunu jistgħu jintlaħqu u jiġu rispettati l-limiti tal-livelli ta' emissjonijiet previsti.

1.3   Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li hija mmirata biex il-perċentwali ta' flessibbiltà għas-setturi li diġà huma koperti minn mekkaniżmi ta' flessibbiltà, previsti mid-direttiva NRMM (3), jitla’ għal 50 % u jiġi adattat l-għadd totali ta' magni li jridu jiddaħħlu fis-suq għall-mekkaniżmi previsti, kif ukoll li jiġi inkluż perċentwali ta' flessibbiltà ta' 20 % għall-magni ferrovjarji u l-lokomottivi fil-mekkaniżmu ta' flessibbiltà.

1.4   Kif diġà ġie enfasizzat qabel mill-Kumitat (4), l-approvazzjoni ta' magni li jaħdmu b’karburanti ta' riferiment tiggarantixxi li dawn jiġu adegwati għall-valuri limiti tal-Istadju IIIB. Iżda l-emissjonijiet ser ikunu konformi ma' dawn il-valuri biss jekk il-karburanti adegwati jkunu verament preżenti fis-suq.

1.4.1   Jekk titqies it-teknoloġija meħtieġa biex jintlaħqu l-limiti tal-emissjonijiet ta' partikuli u tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) (5) previsti mill-Istadju IIIB (6), il-livell tal-kubrit tal-karburant irid jinżel taħt il-livelli attwali f’diversi Stati Membri, u jidher li hemm bżonn li jiġu definiti l-karatteristiċi tal-karburant ta' referenza.

1.5   Sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet, il-Kumitat jemmen li hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mhux biss valuri limiti stretti, iżda wkoll proċeduri ta' prova li jaqblu mas-sitwazzjonijiet konkreti, billi jiġi limitat l-użu ta' testijiet fil-laboratorju, li jagħtu riżultati teoretiċi, u metodoloġiji kontradditorji għall-kontroll tal-emissjonijiet. Hemm bżonn li, b’mod preċiż, jiġi studjat ukoll l-egżost tal-makkinarji mobbli mhux tat-triq fil-mument li jkunu qed jintużaw, u mhux l-imġiba u l-emissjonijiet tal-magni biss li jiġu ttestjati f’sitwazzjonijiet ikkontrollati.

1.6   Il-Kumitat jenfasizza t-tħassib tiegħu fir-rigward tad-dati previsti għad-dħul fis-seħħ tal-Istadju IIIB u l-Istadju IV, u tal-proċeduri marbutin mal-approvazzjoni, u jistaqsi lilu nnifsu jekk huwiex il-każ li tiġi postposta b’sentejn id-data għat-twettiq tal-Istadju IIIB u bi tliet snin għall-Istadju IV, bil-għan li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet in kwistjoni jiġu rispettati b’mod konkret u sħiħ.

1.7   Il-Kumitat jemmen li l-mekkaniżmi flessibbli ta' adattament u ż-żmien marbut mal-passaġġ minn stadju għal ieħor huma partikolarment diffiċli u impenjattivi għall-SMEs, peress li l-ispejjeż previsti għall-makkinarji u għall-magni, u speċjalment dawk meħtieġa għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u għall-evalwazzjoni tal-konformità, ovvjament, jidhru aktar diffiċli għall-intrapriżi ż-żgħar milli għall-kumplessi industrijali kbar.

1.8   Skont il-Kumitat, peress li hemm ċans li d-degradazzjoni mekkanika tal-makkinarju mhux tat-triq isseħħ aktar malajr minn dik tal-magni rispettivi (7), huwa importanti li jitqiesu l-emissjonijiet li jsiru matul il-ħajja utli tal-magni, anki wara li jinbidlu l-partijiet mekkaniċi tal-makkinarju, u li jiġu introdotti rekwiżiti tekniċi aktar fit-tul, li jkunu aċċettati universalment u li permezz tagħhom tkun tista’ tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-livelli ta' emissjonijiet, li sseħħ mal-mogħdija taż-żmien.

1.9   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-iskedi għall-approvazzjoni previsti fl-Anness I għandhom jinkludu mhux biss kampjun tat-tikketti tal-introduzzjoni fis-suq fl-iskema ta' flessibbiltà, u kampjun tat-tikketti supplementari, iżda wkoll deskrizzjoni dettaljata tal-mekkaniżmi obbligatorji, li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiġu rispettati l-valuri limiti previsti mill-mekkaniżmi, li għalihom ikunu ġew approvati.

1.10   Il-Kumitat iqis fundamentali l-promozzjoni tal-isforzi konġunti fil-livell Ewropew u internazzjonali għat-twaqqif ta' standards tekniċi ċari u aċċettati minn kulħadd, sabiex jiġu promossi l-iskambji globali fis-settur, bil-għan li jiġu armonizzati dejjem aktar il-limiti tal-emissjonijiet li hemm fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea ma' dawk applikati jew previsti fil-pajjiżi terzi.

1.11   Il-KESE jirrakkomanda t-tfassil ta' linji gwida dwar l-implimentazzjoni aġġornati li għandhom jgħinu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti fid-diversi stadji mhux biss mill-produtturi tal-magni iżda fuq kollox mill-produtturi tal-makkinarju; jirrakkomanda wkoll eżerċizzju ta' “foresight” parteċipatorju dwar il-prospettivi għall-ħarsien ambjentali fil-qasam tal-NRMM u dwar il-possibbiltà li jitħeġġeġ l-użu ta' tikketti ekoloġiċi fis-settur.

1.11.1   Hemm bżonn li l-kampanja ta' informazzjoni tfiehem, mhux biss lill-produtturi tal-NRMM (Non-Road Mobile Machinery) u ta' makkinarju li fih jiġu integrati l-magni mmodifikati, iżda wkoll lill-konsumaturi aħħarin, il-ħtieġa tal-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet previsti għall-fażijiet differenti tal-iżvilupp tal-attivitajiet b’inqas emissjonijiet, billi jiġu żviluppati profili professjonali u tal-konsumaturi ġodda li jkunu ekoloġiċi u li jinkludu sistema Ewropea għaċ-ċertifikazzjoni ta' kompetenzi ġodda flimkien ma' mekkaniżmi adatti ta' appoġġ, bl-għajnuna tal-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi.

2.   Daħla

2.1   Id-Direttiva 97/68/KE (NRMM – Non-Road Mobile Machinery) tittratta magni b’compression ignition, b’qawwa bejn it-18 kW u l-560 kW. Tistabbilixxi l-limiti għall-emissjonijiet ta' monossidu tal-karbonju, l-ossidi tan-nitroġenu, l-idrokarburanti u l-partikolati. Għad-diversi fażijiet, id-Direttiva tistabbilixxi valuri għal-limiti ta' emissjonijiet dejjem aktar stretti, previsti għall-adattament tal-livelli massimi li joħorġu mill-egżost ta’:

Magni tad-diżil installati f’makkinarju tal-bini,

Makkinarju għall-użu fl-agrikoltura u l-forestrija,

Vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u lokomottivi,

Bastimenti li jintużaw għan-navigazzjoni interna,

Magni b’veloċità kostanti,

Magni żgħar tal-petrol użati f’tipi differenti ta' makkinarju.

2.2   Ir-regoli tal-NRMM li dwarhom il-Kumitat tkellem kemm-il darba (8), mal-mogħdija taż-żmien sarulhom għadd ta' modifiki: bid-Direttiva 2001/63/KE, id-Direttiva 2002/88/KE u d-Direttiva 2004/26/KE. Din tal-aħħar daħħlet skemi ta' flessibbiltà biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn il-livelli differenti ta' emissjonijiet li huma permessi.

2.3   Dan l-aħħar, id-Direttiva 2010/26/UE tal-Kummissjoni, tal-31 ta' Marzu 2010, awtorizzat xi estensjonijiet tad-derogi għall-magni SI tal-petrol li jintużaw f’xi tagħmir li jinżamm fl-idejn sal-31 ta' Lulju 2013 u ċċarat ukoll xi mekkaniżmi tekniċi ta' approvazzjoni li huma meħtieġa biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti tal-Istadju IIIB. Hija ssemplifikat ukoll il-proċedura għal applikazzjonijiet ta' flessibbiltà.

2.4   Jeżistu regoli simili fl-Istati Uniti u, fuq skala iżgħar, fil-Ġappun, iżda żoni ekonomiċi importanti oħra bħaċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja jew il-Brażil ma jipprevedu l-ebda dispożizzjoni dwar is-suġġett.

2.5   L-iskemi ta' flessibbiltà introdotti jwieġbu għall-esiġenzi biex l-intrapriżi jkunu jistgħu jadattaw għall-istandards il-ġodda, peress li s-soluzzjonijiet tekniċi li permezz tagħhom il-magni jkunu jistgħu jirrispettaw il-valuri limiti tal-Istadju IIIB “ġeneralment għadhom mhux finalizzati” u “hemm bżonn ta' aktar riċerka u żvilupp teknoloġiku mill-OEMs biex ikun żgurat li l-makkinarju konformi mal-Istadju IIIB jista’ jitqiegħed fis-suq” (9).

2.6   Barra minn hekk, sa mill-ħarifa 2008, l-industrija Ewropea li tipproduċi l-NRMM intlaqtet b’mod sinifikanti mir-riperkussjonijiet tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, speċjalment fis-setturi tal-makkinarju għall-bini (10) u dak għall-agrikoltura.

2.6.1   Biex jitħares l-iżvilupp tal-industrija f’qafas ta' protezzjoni ambjentali, hemm bżonn li:

tinżamm il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-NRMM, billi jitnaqqsu l-pressjonijiet immedjati tal-kriżi ekonomika;

l-industrija tkun tista’ tkompli tiffinanzja l-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, favur kull tip ta' prodott matul l-Istadju IIIB;

jiġu limitati l-emissjonijiet billi l-NRMMs antiki jinbidlu ma' magni aktar nodfa.

2.7   L-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati kontra l-emissjoni ta' inkwinanti ta' gass u partikolati li jniġġsu minn magni tal-kombustjoni interna li jridu jiġu installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq hija regolata minn dispożizzjonijiet Komunitarji b’mekkaniżmi ta' flessibbiltà mnaqqsa li jistabbilixxu valuri limiti ta' emissjonijiet, li kull ma jmur isiru dejjem aktar stretti, skont skeda ta' dati li diġà ġew programmati għall-adattament.

2.8   Għaliha nnifisha, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-għan li kemm jista’ jkun tnaqqas is-sikkaturi introdotti biex jitqies l-impatt tal-kriżi ekonomika u tal-bżonn li l-isforzi meħtieġa jiġu mmultiplikati għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, għall-applikazzjonijiet innovattivi u għall-istandardizzazzjoni teknika.

3.   Il-proposta għall-emendar tad-Direttiva

3.1   Din il-proposta tipprevedi l-emendi li ġejjin għad-Direttiva 97/68/KE:

3.1.1

Żieda fil-perċentwali tal-għadd massimu ta' magni użati f’makkinarju li jaħdem fuq l-art, introdott fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà f’kull kategorija ta' magna. Żieda, minn 20 % sa 50 % tal-bejgħ annwali tat-tagħmir tal-OEMs - Original Equipment Manufacturers - jew inkella, bħala alternattiva, l-adattament tan-numru massimu ta' magni li jistgħu jkunu introdotti fis-suq skont l-iskema tal-flessibbiltà, fil-perijodu bejn l-Istadju IIIA u l-Istadju IIIB tal-emissjonijiet.

3.1.2

Il-possibbiltà li mal-iskema tal-flessibbiltà jiżdiedu l-magni użati għall-propulsjoni ta' vetturi li jimxu fuq linji tal-ferroviji u lokomottivi. Dan jippermetti lill-OEMs li jintroduċu fis-suq għadd inqas ta' magni, skont l-iskema tal-flessibbiltà.

3.1.3

L-iskadenza għal dawn il-miżuri hija stabbilita għall-31 ta' Diċembru 2013.

3.2   L-alternattiva proposta tipprevedi għalhekk it-tisħiħ tal-iskema eżistenti ta' flessibbiltà u t-twessigħ tagħha għal setturi li għadhom mhux inklużi. Din is-soluzzjoni qed titqies bħala l-aktar adegwata peress li tibbilanċja l-impatt ambjentali u l-benefiċċji ekonomiċi li jinkisbu permezz ta' tnaqqis fl-ispejjeż li huma meħtieġa biex is-suq ikun jista’ jsir konformi mal-limiti l-ġodda għall-emissjonijiet.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-linji gwida tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jiżguraw flessibbiltà akbar fl-applikazzjoni tad-diversi fażijiet tal-implimentazzjoni tal-valuri tal-limiti permessi għall-NRMMs fir-rigward tal-emissjonijiet tal-monossidu tal-karbonju, l-ossidu tan-nitroġenu, l-idrokarburi u l-partikolati.

4.2   L-istess bħall-Kummissjoni, il-KESE jixtieq iħares il-livelli kompetittivi u tal-impjiegi tal-industrija Ewropea tal-NRMMs fid-dawl tar-riperkussjonijiet tal-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali, iżda, fl-istess ħin, il-ħtieġa li jinkisbu livelli għoljin ta' ħarsien tal-ambjent u tal-benessri taċ-ċittadini Ewropej.

4.3   Bħal f’opinjonijiet preċedenti dwar proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet, il-KESE jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi Ewropej kollha li għandhom l-għan li jilħqu miri speċifiċi fit-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta' serra, billi din hija parti ewlenija fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u fil-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa.

4.4   Għalhekk il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li hija mmirata biex jinġieb għal 50 % l-perċentwali ta' flessibbiltà għas-setturi li diġà huma koperti minn mekkaniżmi ta' flessibbiltà, previsti mid-Direttiva NRMM tal-1997 u l-emendi sussegwenti, kif ukoll li jiġu inklużi l-magni ferrovjarji u l-lokomottivi fil-mekkaniżmu ta' flessibbiltà, b’perċentwali ta' 20 % ta' flessibbiltà fuq il-bejgħ annwali tal-makkinarju b’magni li jagħmlu parti mill-kategorija prevista.

4.5   Il-KESE jerġa’ jikkonferma (11) li l-emissjonijiet ser ikunu konformi għal dawn il-valuri biss jekk il-karburanti kkonċernati jkunu verament preżenti fis-suq u jinnota li - jekk titqies it-teknoloġija meħtieġa biex jintlaħqu l-limiti tal-Istadji IIIB u IV tal-emissjonijiet ta' partikolati u tal-ossidu tan-nitroġenu (NOx) - il-livell tal-kubrit tal-karburant għandu jinżel taħt il-livelli attwali f’diversi Stati Membri, u joħroġ il-bżonn li jiġi definit karburant uniku ta' riferiment li jkun koerenti mar-realtà tas-suq tal-karburanti (12).

4.6   Il-Kumitat jenfasizza wkoll il-kumplessità u d-delikatezza ta' din l-evalwazzjoni mill-ġdid li minn naħa, għal raġunijiet validi, trid timmira għal aktar tnaqqis tal-emissjonijiet ta' monossidu tal-karbonju, l-ossidi tan-nitroġenu, l-idrokarburi u l-partikolati, u min-naħa l-oħra trid tevita li ddgħajjef il-kompetittività tas-setturi interessati li joperaw f’suq globali, li hu estremament kompetittiv u li għaddej minn kriżi mdaqqsa.

4.7   Dwar dan, il-KESE jqis essenzjali l-promozzjoni tal-isforzi konġunti fil-livell Ewropew u internazzjonali għat-twaqqif ta' standards tekniċi ċari u aċċettati minn kulħadd, sabiex jiġu promossi l-iskambji globali bil-għan li jiġu armonizzati dejjem aktar il-limiti tal-emissjonijiet li hemm fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea ma' dawk applikati jew previsti fil-pajjiżi terzi.

4.8   Il-KESE jaqsam it-tħassib ta' dawk li esprimew il-biża’ ta' impatt li jkun kbir wisq fuq l-ispejjeż industrijali, tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u tal-valutazzjoni tal-konformità tal-NRMM. Jekk ma jkunux meqjusa u ma jitqassmux fuq ċertu tul ta' żmien, dawn l-ispejjeż jistgħu jpoġġu fil-periklu l-livelli tal-impjiegi tas-setturi interessati.

4.9   Il-KESE jinnota li sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri, hemm bżonn li jitwaqqfu mhux biss valuri tal-limitu stretti, iżda wkoll proċeduri ta' prova li jaqblu mas-sitwazzjonijiet konkreti u jiġi evitat l-użu ta' riżultati miksuba biss fil-laboratorju kif ukoll ta' strateġiji kontradittorji fil-kontroll tal-emissjonijiet, u dan bil-għan li jsir studju ċar u preċiż tal-imġiba tal-egżost mill-makkinarju mobbli mhux tat-triq, fl-użu reali tagħhom, u mhux biss f’sitwazzjoni ta' prova (13).

4.10   L-SMEs jistħoqqilhom attenzjoni speċjali f’dan ir-rigward, u l-Kumitat jemmen li l-mekkaniżmi flessibbli għall-adattament, iż-żmien għat-twettiq u l-perijodu li jissepara d-diversi stadji huma partikolarment diffiċli u impenjattivi għalihom, u dan minħabba li l-ispejjeż previsti biex jiġu adattati l-makkinarji u l-magni huma dejjem aktar ogħla għall-intrapriżi ż-żgħar milli għall-kumplessi industrijali kbar.

4.10.1   Il-KESE jirrakkomanda li jitfasslu linji gwida ta' applikazzjoni aġġornati sabiex titħaffef l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet previsti fid-diversi stadji mhux biss għall-produtturi tal-magni iżda fuq kollox tal-makkinarju li fih jitqiegħdu dawn il-magni flimkien ma' manwali bl-aħjar prattiki u eżerċizzju parteċipatorju dwar il-prospettivi ambientali fil-qasam tal-NRMM u dwar il-possibbiltà li jitħeġġeġ l-użu tat-tikketta ekoloġika fis-settur.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-Kumitat jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar jekk humiex ser jiġu rispettati d-dati previsti għad-dħul fis-seħħ tal-Istadji IIIB u IV, u tal-proċeduri ta' approvazzjoni marbuta magħhom.

5.1.1   Il-KESE jistaqsi lilu nnifsu jekk huwiex il-każ li ssir estensjoni ta' sentejn mid-data ta' implimentazzjoni għall-Istadju III B u ta' tliet snin għall-Istadju IV, u dan biex jiġi żgurat li l-miżuri jiġu rispettati b’mod konkret u sħiħ.

5.2   Fir-rigward tal-Anness I, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-iskedi għall-approvazzjoni previsti għandhom jinkludu mhux biss kampjun tat-tikketti tal-introduzzjoni fis-suq fl-iskema ta' flessibbiltà, u tat-tikketti supplementari, iżda wkoll deskrizzjoni dettaljata tal-mekkaniżmi obbligatorji biex jiġu rispettati l-valuri tal-limitu previsti mid-dispożizzjonijiet li għalihom ikunu ġew approvati.

5.3   Fl-aħħar nett, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat innifsu li, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-kostrutturi li jipproduċu, mill-utenti u mill-Istati Membri, jippreżenta l-istat ta' applikazzjoni tad-Direttiva proposta u tal-impatt tagħha, kemm f’termini ta' validità fis-suq tax-xogħol, kif ukoll f’termini ta' tnaqqis konkret tal-emissjonijiet u tal-kontribut tal-NRMMs għall-ħarsien tal-ambjent u t-twettiq tal-għanijiet tal-UE “20-20-20”.

Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  CO; NOx; HC; PM.

(2)  Il-manifatturi tal-karozzi jridu jirrevedu b’mod sħiħ il-proġett tal-istrutturi li fihom iridu jitqiegħdu l-magni l-ġodda.

(3)  Direttiva 97/68/KE.

(4)  ĠU C 220, 16.9.2003, p. 16 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(6)  Mill-1 ta' Jannar 2011.

(7)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(8)  ĠU C 407, 28.12.1998, ĠU C 260, 17.9.2001, p. 1, ĠU C 220, 16.9.2003, p. 16.

(9)  SEG(2010)829, 7.7.2010 li jakkumpanja l-proposta COM(2010) 362 finali.

(10)  http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/mechanical/non-road-mobile-machinery/publications-studies/index_en.htm

(11)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna.

(12)  Ara Direttiva 2003/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 2003 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil.

(13)  Ara b’mod partikolari l-ħidma tal-UNECE - “Exhaust emissions test protocol of non-road mobile machinery (NRMM) – Draft global technical regulation concerning the test procedure for compression-ignition (CI) engines to be installed in agricultural and forestry tractors and in non-road mobile machinery with regard to the emission of pollutants by the engine”.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/138


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI”

COM(2010) 94 finali – 2010/0064 (COD)

2011/C 48/24

Relatur: is-Sinjura SHARMA

Nhar id-22 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI

COM(2010) 94 finali – 2010/0064 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’110 voti favur u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jikkundanna bis-sħiħ kull abbuż sesswali u sfruttament tat-tfal u jfaħħar lill-Kummissjoni talli qed issaħħaħ l-impenn tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-abbuż tat-tfal permezz tal-introduzzjoni ta’ Direttiva ġdida u iktar oġġettiva li tieħu post id-Deċiżjoni Qafas 2004/68/ĠAI. Il-gravità tar-reati, il-livell ta’ ħsara u l-livell ta’ riskju u vulnerabbiltà tat-tfal madwar id-dinja m’għandhom qatt jiġu sottovalutati. Il-ħarsien tat-tfal fil-livelli kollha għandu jkun prijorità u l-vittmi u t-trasgressuri għandhom jingħataw l-għajnuna kollha sabiex ikunu jistgħu jirkupraw, bil-għan li tiġi promossa protezzjoni soċjali futura.

1.2

Il-KESE jerġa’ jitlob lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan, u lill-Unjoni Ewropea taħt it-Trattat il-ġdid ta’ Lisbona, sabiex jiffirmaw u jirratifikaw b’mod urġenti l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali u l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tal-Minorenni u l-Pornografija tat-Tfal sabiex l-UE tirrevedi b’mod effettiv il-mod kif tindirizza l-Ewropej li jabbużaw it-tfal (1). Fil-kuntest tal-ftehimiet bilaterali, l-Unjoni Ewropea jista’ jkollha l-influwenza li tipperswadi pajjiżi Ewropej oħra (pereżempju r-Russja u l-Bosnja-Ħerzegovina) sabiex jiffirmaw il-Konvenzjoni. L-inkorporazzjoni ta’ dispożizzjonijiet mill-Konvenzjoni fil-liġi tal-UE ser tkun iktar effettiva biex tiffaċilita l-adozzjoni iktar rapida ta’ miżuri nazzjonali, meta mqabbla ma’ proċeduri nazzjonali ta’ ratifika, u ser tiżgura monitoraġġ aħjar tal-implimentazzjoni.

1.3

Huwa importanti li jkun hemm qafas legali għall-prosekuzzjoni u l-għoti tas-sentenzi lil dawk li jkunu wettqu abbuż jew sfruttament sesswali. Madanakollu, jeħtieġ li l-prevenzjoni tkun tal-akbar importanza madwar l-Ewropa kollha u meqjusa flimkien mal-leġislazzjoni. Dan il-punt huwa enfasizzat bħala wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva, iżda mhuwiex indirizzat biżżejjed. Il-KESE jista’ joħroġ opinjoni dwar ir-reviżjoni tal-azzjonijiet ta’ prevenzjoni, li tenfasizza l-istudji ta’ każijiet tal-aqwa prattika li saru mis-soċjetà ċivili u l-gvernijiet fil-livell globali fil-qasam tal-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta’ pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattiki biex jiġu indirizzati dawn ir-reati, permezz ta’ mekkaniżmi leġislattivi u mhux leġislattivi għall-iżvilupp ta’ għodod metodoloġiċi u ta’ taħriġ. Dan jista’ jinkludi kooperazzjoni ikbar mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-NGOs sabiex jiġu appoġġjati l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fil-livelli lokali.

1.5

Il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE (il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament), li lkoll jinsabu f’pożizzjoni privileġġjata u ta’ poter, sabiex b’mod konġunt ipoġġu pressjoni fuq pajjiżi terzi, b’mod partikolari fl-aktar partijiet żviluppati tad-dinja (pereżempju l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, l-Awstralja u r-Russja) sabiex jitolbu t-tneħħija tas-siti li jinkludu materjal relatat mal-abbuż sesswali tat-tfal. L-UE trid tkun iktar b’saħħitha hi u titlob azzjoni responsabbli mill-ICANN (2).

1.6

Il-KESE jixtieq li l-ewwel u qabel kollox jitneħħew is-siti li jinkludu materjal relatat mal-abbuż sesswali tat-tfal jew, meta ma jkunx possibbli li jitneħħew, jiġu bblukkati. F’dan il-kuntest, il-KESE jista’ jfassal opinjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili, dwar l-implikazzjonijiet kemm tat-tneħħija kif ukoll tal-imbblukkar.

1.7

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-opportunità li tirrappreżenta din id-Direttiva ġdida biex iniedu dibattitu dwar it-twaqqif ta’ età minima ta’ kunsens sesswali madwar l-Ewropa. Fil-kuntest ta’ mobbiltà, immigrazzjoni u valuri soċjali li qed jinbidlu madwar l-Ewropa, għandhom isiru dibattiti u konsultazzjonijiet dwar l-impatt li għandhom it-“tradizzjonijiet” f’dan ir-rigward.

1.8

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tipprovdi definizzjonijiet ċari ta’ ċertu terminoloġija li tista’ toħloq ambigwitajiet fit-traspożizzjoniji fil-leġislazzjoni nazzjonali.

1.9

Il-KESE jitlob li d-Direttiva tipprovdi “limiti ta’ żmien” uniformi għall-Istati Membri kollha. Fejn ikun meħtieġ, il-KESE jisħaq li l-“istatut tal-limitazzjonijiet” għandu jibda meta l-vittma tilħaq l-età ta’ 18-il sena.

1.10

Bosta NGOs u esperti li jaħdmu fil-qasam tal-protezzjoni tat-tfal appoġġjaw il-ħidma tal-KESE, u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar id-Direttiva l-ġdida huma disponibbli mis-siti tagħhom (3). Il-KESE jirrikonoxxi l-ħidma rimarkabbli tal-NGOs kollha li jaħdmu madwar id-dinja biex jipproteġu lit-tfal u jfaħħar lill-istituzzjonijiet Ewropej, il-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti talli jipprovdu mekkaniżmi legali fil-qasam tal-protezzjoni kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal.

2.   Sfond u għanijiet tad-Direttiva l-ġdida

2.1

L-UE tirrikonoxxi d-drittijiet tat-tfal fl-Artikolu 3 (tat-TUE) tat-Trattat ta’ Lisbona u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, speċjalment fl-Artikolu 24 u fil-bażi legali ta’ din il-Karta li tistipula obbligu pożittiv ta’ azzjoni bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni neċessarja tat-tfal. Hija tirrikjedi li f’kull azzjoni relatata mat-tfal , l-ewwel kunsiderazzjoni għandha tkun fl-aħjar interess tat-tfal, b’konformità mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Dan ġie rifless f’politika mmirata dwar il-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal, inkluża l-Istrateġija taż-Żgħażagħ tal-UE fil-politiki interni u esterni tal-UE.

2.2

Id-Direttiva l-ġdida, b’konformità mal-proposti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-ħarsien tal-vittmi u l-programm “Internet Iktar Sikur”(“Safer Internet”), tagħti spinta lil regoli iktar sostantivi ta’ proċedura u tal-liġi kriminali fl-Istati Membri fir-rigward tal-ħarsien tat-tfal. B’hekk, l-effettività tal-miżuri ta’ prevenzjoni madwar l-UE ser tissaħħaħ u ser jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn dawk li jwettqu r-reati jagħżlu li jwettqu r-reati tagħhom fi Stati Membri b’regoli inqas stretti. Permezz ta’ definizzjonijiet komuni, jistgħu jiġu promossi l-iskambju ta’ data komuni li hija utli, tittejjeb il-kompatibbiltà tad-data u l-kooperazzjoni internazzjonali ssir iktar faċli.

2.3

Id-Direttiva l-ġdida ser tkopri:

reati kriminali ġodda fil-qasam tal-IT inkluż ir-reat il-ġdid ta’ “tħejjija” (grooming);

assistenza fl-investigazzjoni tar-reati u fit-tressiq tal-akkużi;

prosekuzzjoni tar-reati li jitwettqu barra, kemm minn ċittadini kif ukoll minn residenti abitwali tal-UE, li jiffaċċjaw il-prosekuzzjoni anke jekk ir-reati tagħhom isiru barra mill-UE;

dispożizzjonijiet ġodda dwar il-protezzjoni tal-vittmi sabiex jiġi żgurat li l-vittmi jkollhom aċċess faċli għal rimedji legali u ma jbatux b’riżultat tal-parteċipazzjoni tagħhom fi proċedimenti kriminali;

prevenzjoni ta’ reati permezz ta’ azzjonijiet li jikkonċentraw fuq trasgressuri li jkunu diġà wettqu xi reat sabiex jiġi evitat it-twettiq tar-reat mill-ġdid, u jirrestrinġu l-aċċess għall-pedopornografija fuq l-internet.

3.   Kummenti speċifiċi dwar il-memorandum ta’ spjegazzjoni

3.1

Fid-dawl tal-fatt li “L-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu l-ewwel kunsiderazzjoni meta jkunu qed jitwettqu kwalunkwe miżuri biex jikkumbattu dawn ir-reati skont il-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal”, il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, filwaqt li tiġi aġġornata, estiża u msaħħa l-leġislazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jeskludu l-ħtieġa tal-kriminalità doppja sabiex jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni ekstraterritorjali tar-reati. L-Istati Membri għandu jkollhom l-awtorità li jħarrku kull forma ta’ abbuż sesswali kontra t-tfal.

3.2

Il-leġislazzjoni eżistenti u ġdida għandha tiġi infurzata aħjar u tirrikjedi l-monitoraġġ tal-Kummissjoni, bl-appoġġ tal-Europol u l-aġenziji tal-infurzar, sabiex jiġi żgurat li l-ħarsien tat-tfal ikun prijorità. Jeħtieġ li jiġu stabbiliti prinċipji komuni u kriterji li jiddeterminaw il-gravità tar-reat tal-abbuż u l-isfruttament sesswali. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li titwaqqaf pjattaforma għall-iskambju ta’ prattiki tajba, kemm leġislattivi kif ukoll mhux leġislattivi, u li jiġu żviluppati strumenti metodoloġiċi u taħriġ biex jiġu indirizzati dawn ir-reati. Dan jista’ jinkludi kooperazzjoni ikbar mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-imsieħba soċjali u l-NGOs sabiex jiġu appoġġjati l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fil-livelli lokali.

3.3

Il-monitoraġġ ta’ każijiet bi profil għoli, b’mod partikolari dawk b’implikazzjonijiet allegatament politiċi, reliġjużi jew li jinvolvu bosta każijiet, għandu jsir permezz ta’ investigazzjonijiet trasparenti fil-livell tal-UE, sabiex dawn il-każijiet ma jerġgħux iseħħu (4).

3.4

Sabiex jiżdiedu l-mekkaniżmi ta’ prevenzjoni u titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-vittmi, id-Direttiva għandha tkun ukoll koerenti ma’ politiki oħra tal-UE, inklużi s-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni, il-familja, l-impjieg u l-aġenda diġitali. Gruppi ta’ tfal li huma partikolarment vulnerabbli u li jinsabu f’riskju kbir jinkludu: l-immigranti, dawk li qed ifittxu l-asil, il-minorenni li mhumiex akkumpanjati, dawk li huma soċjalment żvantaġġati, dawk li huma esklużi jew għandhom xi diżabilità, dawk taħt kura ta’ sostituzzjoni (substitute care) jew dawk li jgħixu f’familja bi storja ta’ vjolenza u abbuż.

3.5

L-informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi mill-Istati Uniti u mill-Ewropa turi rabta qawwija bejn il-fatt li wieħed iniżżel mill-internet materjal tal-abbuż sesswali li jinvolvi tfal li għadhom ma bdewx jitkellmu u l-abbuż tat-tfal li jsir lil hinn mill-internet. Jekk is-sentenzi li jingħataw it-trasgressuri jiġu bbażati biss fuq il-kuntatt li jkollhom mat-tfal, x’aktarx li aktar tfal ser jispiċċaw fir-riskju ta’ abbuż gravi (b’mod partikolari t-tfal żgħar).

3.6

92 % tal-kontenut fl-internet li jinvolvi abbuż sesswali tat-tfal huwa maħżun f’servers fl-Amerika ta’ Fuq, l-Ewropa u r-Russja (5). Il-KESE jħoss li l-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill u l-Parlament jinsabu f’pożizzjoni privileġġjata u qawwija biex ipoġġu pressjoni fuq pajjiżi barra mill-UE, b’mod partikolari fl-aktar partijiet żviluppati tad-dinja, sabiex jitolbu t-tneħħija tas-siti li jinkludu materjal relatat mal-abbuż tat-tfal.

3.7

Hemm bżonn li jiġu promossi aktar “kultura tas-sigurtà ċibernetika” u l-Aġenda Diġitali Ewropea (6) fost iċ-ċittadini. Biż-żieda fl-iskambju peer-to-peer ta’ stampi tal-abbuż tat-tfal (7) u “fit-tħejjija” (grooming) fis-siti ta’ netwerking soċjali, jeħtieġ li tittieħed azzjoni minnufih sabiex it-trasgressuri – kemm dawk li jaraw is-siti jew l-istampi inkwistjoni kif ukoll il-provvedituri tas-servizz li jospitaw dawn is-siti – jiġu identifikati u jittieħdu passi legali kontrihom, jiġu segwiti u jitwaqqfu l-flussi tat-transazzjonijiet finanzjarji li jsiru għall-aċċess ta’ stampi tal-abbuż tat-tfal. It-teknoloġija li permezz tagħha jistgħu jiġu identifikati l-komponenti kollha tal-katina tal-abbuż teżisti u l-UE għandha tkun aktar b’saħħitha hija u titlob għal azzjoni responsabbli mingħand l-ICANN (8).

3.8

Huwa ċar li d-Direttiva hija bbażata fuq “l-aħjar interessi tat-tfal” u “l-protezzjoni tat-tfal”. Madanakollu, b’mod ġenerali, id-Direttiva ma tinkludix dettalji dwar il-miżuri preventivi li għandhom jiġu implimentati. Jeħtieġ li l-prevenzjoni tkun mifruxa fl-Ewropa kollha u tkun meqjusa flimkien mal-leġislazzjoni. Il-Kummissjoni ftit għandha kompetenza fil-prevenzjoni, madanakollu fid-Direttiva hija għandha tippromovi u toħloq mekkaniżmi li jippermettu l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ prevenzjoni fi bnadi oħra.

3.9

Fil-kuntest tal-prevenzjoni, jista’ jintalab aktar finanzjament biex jiġu estiżi l-programmi tal-Kummissjoni (pereżempju DAPHNE u l-Programm Qafas) u biex jiġu żviluppati programmi ġodda li għandhom jitwasslu mill-imsieħba tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jemmen li l-fatt li l-pubbliku jiġi edukat dwar l-eżistenza ta’ liġijiet speċifiċi li jikkastigaw imġiba speċifika ta’ ħsara għat-tfal jista’ jkun mekkaniżmu effettiv ta’ prevenzjoni.

3.10

L-intervent huwa kruċjali għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u għandu jintuża flimkien ma’ sanzjonijiet legali. Għaldaqstant, il-KESE jissuġġerrixxi li l-parti taħt “Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta” li tgħid li l-“għanijiet speċifiċi għandhom ikunu li ssir prosekuzzjoni effettiva ta’ dan ir-reat; li jkunu protetti d-drittijiet tal-vittmi; u l-prevenzjoni tal-isfruttament u l-abbuż sesswali tat-tfal” għandha tiġi emendata kif ġej “inkluż permezz ta’ identifikazzjoni rapida tat-tfal vittmi mill-persunal imħarreġ kif suppost u l-provvediment ta’ interventi li jiffokaw fuq it-tfal għall-vittma u għat-trasgressur”.

3.11

Jeħtieġ li titqies l-identifikazzjoni ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni u prosekuzzjoni fir-rigward tal-abbuż fi ħdan netwerks peer-to-peer u l-kummerċ tal-istampi. Biż-żieda fl-iskambju ta’ fajls, u ż-żieda “fit-tħejjija” fis-siti ta’ netwerking soċjali, jeħtieġ li tittieħed azzjoni minnufih sabiex it-trasgressuri – kemm dawk li jużaw is-siti inkwistjoni kif ukoll il-provvedituri tas-servizzi li jospitaw dawn is-siti – jiġu identifikati u sabiex jittieħdu passi legali kontrihom.

3.12

Il-proposta (Ir-raġunijiet u l-għanijiet) tenfasizza li “minoranza sinifikanti ta’ tfal fl-Ewropa jistgħu jkunu mmolestati sesswalment matul it-tfulija tagħhom”. Il-periklu għat-tfal lil hinn mill-Ewropa jeħtieġ li jitqies ukoll: it-tfal jibqgħu tfal irrispettivament minn fejn ikunu fid-dinja u jeħtieġu l-ħarsien mit-trasgressuri sesswali Ewropej li jkunu qed jivvjaġġaw u li jabbużaw minn ċittadini Ewropej oħra jew minn tfal li ma jkunux Ewropej.

3.13

It-terminu “pedopornografija” (titolu, definizzjoni u fit-test kollu) għandu jiġi sostitwit mit-terminu “stampi jew materjal relatati mal-abbuż sesswali tat-tfal”. Il-pornografija hija assoċjata mal-erotika.

3.14

It-turiżmu”: id-Direttiva (premessa 9) tuża t-terminu “turiżmu sesswali”. It-terminu użat mill-esperti u l-NGOs fil-qasam huwa “trasgressuri sesswali li jkunu qed jivvjaġġaw” (travelling sex offenders) (9). Hekk kif saħaq il-KESE fl-opinjoni preċedenti tiegħu “Il-Protezzjoni tat-tfal minn persuni li qed jivvjaġġaw u li huma awturi ta’ reati sesswali” (10), “it-turiżmu” huwa assoċjat mal-vaganzi u mad-divertiment.

3.15

Tradizzjonijiet” (premessa 7): “Din id-Direttiva ma tirregolax il-politiki tal-Istati Membri rigward attivitajiet sesswali konsenswali (…) fil-kors tal-iżvilupp uman, filwaqt li jittieħed kont tat-tradizzjonijiet kulturali u legali differenti.” Il-KESE jirrakkomanda li, fil-kuntest tal-mobbiltà, l-immigrazzjoni u l-valuri soċjali li qed jinbidlu fl-Ewropa kollha, għandhom isiru dibattiti u konsultazzjonijiet dwar l-impatt li għandhom it-“tradizzjonijiet” f’dan ir-rigward. Il-konsultazzjoni u l-implikazzjonijiet legali għandhom ikopru wkoll il-prattiki kulturali, pereżempju l-mutilazzjoni ġenitali femminili li tista’ tiġi kkunsidrata bħala abbuż sesswali tat-tfal.

3.16

Pubblikament aċċessibbli” (premessa 13): “Il-pedopornografija, (…) hija tip ta’ kontenut speċifiku li ma jistax jiġi interpretat bħala l-espressjoni ta’ opinjoni. Biex tiġi kkumbattuta, huwa meħtieġ li tonqos iċ-ċirkolazzjoni ta’ materjal ta’ abbuż mit-tfal (sic.) billi jsir aktar diffiċli li trasgressuri jtellgħu tali kontenut fuq l-Internet.”Id-Direttiva għandha taħdem għall-prevenzjoni tal-materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal f’ kull forma u f’kull mezz ta’ komunikazzjoni  (11) . It-terminu “viżwali” ma jkoprix il-materjal kollu disponibbli u d-Direttiva għandha tkopri wkoll materjal mhux viżwali tal-abbuż sesswali tat-tfal. Barra minn hekk, id-Direttiva għandha tqis ukoll il-kunċett ta’ “libertà artistika” kif ukoll l-“espressjoni ta’ opinjoni”, biex tiżgura li l-ebda waħda ma tiġi interpretata ħażin fil-kuntest tal-materjal tal-abbuż tat-tfal. Għaldaqstant, it-test tal-Artikolu 2(b) li jinkludi d-definizzjoni tal-“pedopornografija” għandu jiġi emendat kif ġej fl-inċiżi li ġejjin (i): “kwalunkwe materjal li juri tfal (…)”, (ii): “kwalunkwe preżentazzjoni tal-organi sesswali (…)” u (iii): “kwalunkwe materjal li juri persuni li jidhru li huma tfal (…)”.

3.17

Bil-għan li jitħeġġu “dawk li jipprovdu s-Servizz tal-Internet (Internet Service Providers) biex fuq bażi volontarja jiżviluppaw kodiċi ta’ kondotta u linji gwida biex jiġi mblukkat l-aċċess għal tali paġni tal-Internet” (premessa 13), il-KESE jenfasizza li għandha tingħata prijorità lit-tneħħija ta’ dan il-kontenut mis-sors u meta dan ma jkunx possibbli (barra l-UE) jiġi bblukkat l-aċċess għal dawk is-siti. Fi ħdan l-UE dan għandu jsir ħtieġa legali jekk l-industrija, il-provvedituri tas-servizzi tal-internet, l-atturi ekonomiċi u finanzjarji bħall-kumpaniji tal-karti ta’ kreditu huma serji fl-impenn tagħhom rigward il-ġlieda kontra dan l-abbuż.

4.   Dettalji speċifiċi dwar l-Artikoli tad-Direttiva

4.1

L-Artikolu 1: is-suġġett għandu jinkludi “sanzjonijiet fil-qasam ta l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal, kif ukoll tal-preżentazzjoni ta’ materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal”.

4.2

L-Artikolu 2(b)(iv): “immaġini realistiċi ta’ tfal li qed jieħdu sehem” għandu jinkludi “jew ippreżentati li qed jieħdu sehem”.

4.3

L-Artikolu 2(b): il-kelma “prinċipalment” għandha titħassar għalkollox għax tneħħi l-attenzjoni minn fuq “għal raġunijiet sesswali”.

4.4

L-Artikolu 2(e): ħassar l-eċċezzjonijiet “Stati jew korpi pubbliċi oħra fl-eżerċizzju ta’ awtorità Statali u għal organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi”. Fil-każ ta’ persuna ġuridika, m’għandux ikun hemm impunità fejn jidħol abbuż sesswali tat-tfal.

4.5

L-Artikoli 3(3) u 8 dwar “attivitajiet sesswali konsenswali”: fir-rigward tas-sentenza “Il-parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali ma’ tfal li ma laħqux l-età legali tal-kunsens taħt il-liġi nazzjonali”, għandu jiġi nnotat li d-definizzjoni tal-UNCRC u dik Ewropea ta’ “tfal” hija “persuni taħt l-eta ta’ 18-il sena” u li għalhekk din it-terminoloġija hija kontradittorja. Din hija indirizzata parzjalment f’Artikolu 8 (“Attivitajiet sesswali konsenswali bejn il-pari”). Barra minn hekk, l-Artikoli 3, 4, 5 u 8 ma jirregolawx is-sess konsenswali bejn it-tfal li għandhom l-età tal-kunsens sesswali u dawk li huma ikbar. Il-KESE jemmen li dan ser jitlob aktar diskussjoni u kjarifika. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-opportunità li tirrappreżenta din id-Direttiva ġdida biex jistabbilixxu età minima ta’ kunsens sesswali madwar l-Ewropa. Hemm bżonn ukoll li jiġi ċċarat il-kunċett ta’ “persuni li huma qrib fl-età”.

L-Artikolu 3(4)(i): fid-dawl tan-numru ta’ każijiet li jseħħu fil-familja, “il-familja” għandha tiġi klassifikata bħala pożizzjoni rikonoxxuta ta’ fiduċja. Dan ikun konformi mal-Artikolu 5 tal-UNCRC. Barra minn hekk il-kelma “rikonoxxuta” għandha titħassar b’referenza għal “pożizzjoni ta’ fiduċja, awtorità jew influwenza fuq it-tfal”: dan huwa sors ta’ tħassib kbir fil-kuntest ta’ dak li qed jiġri fl-Ewropa b’rabta maċ-ċrieki ta’ pedofelija anki fil-familji, il-knisja u istituzzjonijiet edukattivi u residenzjali. Huwa essenzjali li l-ebda persuna f’awtorità, politika jew reliġjuża, ma jkollha immunità mill-prosekuzzjoni, mit-tpoġġija ta’ mistoqsijiet jew aċċess għal fajls.

4.6

L-Artikolu 3(5): ir-reati li huma kkunsidrati bħala abbuż sesswali għandhom jinkludu wkoll “l-esibizzjoniżmu” fil-lista ta’ prattiki wara li l-Kummissjoni tagħti definizzjoni aċċettabbli ta’ “esibizzjoniżmu” (12).

4.7

L-Artikoli 4(2), (3), (4) u (5) jkopru “wirjiet pornografiċi” u jikkonċernaw l-involviment dirett ta’ tfal reali. Jista’ jkun hemm konfużjoni mal-Artikolu 5 li jkopri “reati li jikkoncernaw il-pedopornografija”. Ta’ min iżid nota ta’ spjega biex tiġi evitata din il-konfużjoni.

4.8

L-Artikoli 4-8: id-Direttiva għandha tipprovdi definizzjoni ċara tal-kliem “konxju” u “intenzjonali”.

4.9

L-Artikolu 4(1): il-kelma “intenzjonali” għandha titħassar peress li din tista’ twassal biex it-trasgressuri jiddikjaraw li ma kinux jafu l-età tal-vittma biex jevitaw il-prosekuzzjoni (13).

4.10

L-Artikolu 4(8): “Parteċipazzjoni f’attivitajiet sesswali (…) ” għandu jinkludi “jew il-ftehim dwar il-parteċipazzjoni” u għandu jipprovdi għall-possibbiltà ta’ prosekuzzjoni, “irrispettivament jekk ikunx twettaq l-att sesswali jew le”.

4.11

L-Artikolu 6 (“Is-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali”) għandu jiġi estiż biex jirrikonoxxi forom differenti ta’ tħejjija, inkluża t-tħejjija minn adulti li għandhom rwol li jipproteġu lit-tfal, u tħejjija lil hinn mill-Internet (offline).

4.12

L-Artikoli 7 u 9: b’konformità mal-bqija tad-Direttiva, dawn l-artikoli għandhom jiddefinixxu perijodu ta’ għoti ta’ sentenza jew ta’ kastig li għandu jkun marbut mar-reat.

4.13

L-Artikolu 7(3)(b): għadd ta’ trasgressuri li jivvjaġġaw iwettqu r-reati tagħhom skont is-sitwazzjoni u jieħdu kull opportunità li tippreżenta ruħha biex jabbużaw sesswalment. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li “l-organizzazzjoni ta’ arranġamenti għall-ivvjaġġar u/jew arranġamenti oħra bil-għan li jitwettaq kwalunkwe mir-reati msemmijin fl-Artikoli 3 sa 7” għandha tiġi kkastigata.

4.14

L-Artikolu 8: il-frażi “sakemm dawn l-atti ma jinvolvux abbuż” għandha tiġi sostitwita kif ġej: “sakemm dawn l-atti ma jkunux imġiegħla”.

4.15

L-Artikolu 9 (“Ċirkostanzi aggravanti”) jista’ jinkludi wkoll “(i) ir-reat ikun involva vjolenza jew theddid serju jew ikkawża jew x’aktarx ikkawża ħsara gravi lit-tfal”.

4.16

Fid-dawl tal-ħsara li dawn ir-reati jikkawżaw lit-tfal vittmi, anke ladarba jkunu adulti, il-KESE jissuġġerixxi li dawn ir-reati ma jkunux soġġetti għal statut ta’ limitazzjonijiet jew li ma jiġux preskritti għal perijodu minimu ta’ żmien.

4.17

L-Artikolu 10 u l-Artikolu 12 ma jqisux it-trasgressuri li jiddeċiedu li jirrilokaw u lanqas ma jipprojbixxuhom milli jivjaġġaw. F’opinjoni preċedenti (14), il-KESE ħadem mal-ECPAT (15) u rrakkomanda:

verifikar u projbizzjonijiet;

ftehimiet ta’ kooperazzjoni bilaterali;

ftehimiet dwar id-deportazzjoni ta’ trasgressuri ħatja;

l-użu u l-effikaċja tal-Ordnijiet tal-Ivvjaġġar għall-Esteru (FTO).

4.18

L-Artikolu 11 (“Responsabbiltà ta’ persuni ġuridiċi”): il-persuni ġuridiċi għandhom jitqiesu responsabbli jekk ikunu ppermettew l-imġiba tat-trasgressur, irrispettivament minn jekk jibbenefikawx minn din l-imġiba jew le. Għalhekk għandha titħassar il-frażi “għall-benefiċċju tagħhom” (minn kwalunkwe persuna).

4.19

L-Artikolu 12(b) (“Sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi”) għandu jiġi modifikat mhux biss biex iżomm lit-trasgressur milli jipparteċipa f’attivitajiet kummerċjali iżda biex jipprojbixxih ukoll milli jipparteċipa f’“kull attività” li tinvolvi kuntatt mat-tfal.

4.20

L-Artikolu 13 (“Non-prosekuzzjoni”) għandu “jiżgura” u mhux biss “jipprovd[i] għall-possibbiltà” li ma jkunx hemm prosekuzzjoni jew l-impożizzjoni ta’ pieni fuq tfal vittmi għall-involviment tagħhom f’attivitajiet illegali bħala konsegwenza diretta talli kienu suġġetti għal dawk ir-reati.

4.21

L-Artikolu 14 jikkonċerna “l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni”. Għandha tiġi introdotta dispożizzjoni adegwata għall-aċċess għall-fondi għat-taħriġ u għall-għoti ta’ pariri u r-riċerka fil-qasam tat-teknoloġiji ġodda u emerġenti sabiex l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni jkunu prattiċi u effettivi. Il-proċess ta’ investigazzjoni għandu jkun kompletament trasparenti. Dan l-artikolu għandu jipprovdi għal ċerti tipi ta’ reati li m’għandhomx statut ta’ limitazzjonijiet.

4.22

L-Artikolu 14(2): fir-rigward tal-frażi “għal żmien biżżejjed”, l-Istati Membri għandhom ikunu flessibbli huma u japplikaw l-istatut ta’ limitazzjonijiet biex ikunu jistgħu jqisu l-gravità tal-impatt fuq il-ħajja, is-saħħa u/jew il-benesseri tal-vittma.

4.23

Il-KESE jirrakkomanda li d-Direttiva tispeċifika li l-istatuti tal-limitazzzjonijiet li jeżistu taħt il-liġi nazzjonali jibdew meta l-vittma tkun saret maġġorenni. Jissuġġerixxi wkoll li l-Kummissjoni taħdem biex tippromovi l-armonizzazzjoni tal-istatuti tal-limitazzjonijiet nazzjonali biex tiġi evitata konfużjoni meta l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jwettqu investigazzjonijiet transkonfinali.

4.24

Fl-Artikolu 14(3), “(…) għodod effettivi (…) jkunu disponibbli (…)”, huwa essenzjali li jiġi żgurat li, flimkien ma’ dawn l-għodod, ikun hemm persunal imħarreġ bis-sħiħ biex juża din l-għodda.

4.25

L-Artikolu 15 jippromovi r-rappurtar iżda ma jidentifikax dettalji speċifiċi dwar il-mekkaniżmi u l-fondi sabiex jiġi appoġġjat intervent rapidu minn professjonisti li jaħdmu mat-tfal. Fid-dawl tal-fatt li xi reati sesswali kontra t-tfal ma jiġux rappurtati, għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ rappurtar effettivi u aċċessibbli fl-Istati Membri kollha.

4.26

Bil-għan li jitħeġġeġ rappurtar f’waqtu ta’ individwi suspettati jew ta’ reati attwali ta’ abbuż u ta’ sfruttament sesswali huwa importanti li jiġi żgurat li l-professjonisti, li jirrappurtaw bi skop tajjeb, jiġu protetti minn revendikazzjonijiet bil-liġi kriminali u ċivili, minn ilmenti kontrihom li jitressqu quddiem kumitati etiċi jew prosekuzzjoni talli jkunu kisru r-regoli ta’ kunfidenzjalità.

4.27

L-Arikolu 16(1)(d) (“Ġurisdizzjoni u koordinazzjoni tal-prosekuzzjoni”) ma jkopri l-ebda aspett relatat mal-estradizzjoni tal-individwi suspettati. Dan huwa kopert fl-Artikolu 5 tal-Protokoll Fakultattiv tal-UNCRC u għandu jiġi kkunsidrat fid-Direttiva tal-Kummissjoni. Fl-istess punt, il-frażi “(…) persuna legali stabbilita fit-territorju (…)” għandha tiġi estiża kif ġej “(…) stabbilita fit-territorju jew topera minn territorju (…)”.

4.28

L-Artikolu 16(2): fis-sentenza “(…) l-ġurisdizzjoni tiegħu tinkludi sitwazzjonijiet (…) taħt l-Artikoli 3 u 7 (…)”, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu inklużi l-Artikoli 3, 4, 5, 6 u 7.

4.29

L-Artikolu 16(3): jekk l-Istati Membri ser jieħdu azzjoni serja favur il-ħarsien globali tat-tfal, ma jistax ikun hemm eċċezzjonijiet. Għalhekk għandha titħassar d-deroga “Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax jew li japplika biss f’ċirkostranżi speċifiċi (…) safejn ir-reat jitwettaq barra mit-territorju tiegħu”.

4.30

L-Artikolu 17(1): fir-rigward tas-sentenza “għandu jkollhom assistenza (…)”, il-KESE jirrakkomanda li kull Stat Membru għandu jiżgura li tfal vittmi ta’ reati taħt l-Artikoli 3 sa 7 jingħataw għajnuna adegwata u speċjalizzata, inkluż akkomodazzjoni f’post sikur, għajnuna medika u psikoloġika u edukazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn is-servizzi jiġu pprovduti minn professjonisti mħarrġa u jirrispettaw l-identità/oriġini kulturali, is-sess u l-età tat-tfal (16). Miżuri bħal dawn ser inaqqsu l-vulnerabbiltà u għaldaqstant isaħħu l-prevenzjoni.

4.31

L-Artikolu 19 dwar “investigazzjonijiet kriminali” huwa kopert fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Fakultattiv tal-UNCRC, li għandu jiġi kkunsidrat mid-Direttiva tal-Kummissjoni.

4.32

Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li ssir referenza għal-linji gwida tar-Riżoluzzjoni 2005/20 tal-ECOSOC tan-NU dwar miżuri għall-protezzjoni tat-tfal vittmi u xhieda ta’ reati (17).

4.33

Ħafna tfal li ġew abbużati mill-ġenituri tagħhom li bigħuhom, mit-traffikanti jew minn adulti involuti fil-prostituzzjoni tilfu kull fiduċja fl-adulti, u dan ifisser li trid tiġi stabbilita bażi ta’ fiduċja bejn l-adulti u t-tfal qabel ma tibda l-investigazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw it-tfal vittmi u jerġgħu jibnu l-ħajja tat-tfal, pereżempju permezz ta’ akkomodazzjoni, kura, protezzjoni u servizzi psikoloġiċi speċjalizzati, u għandhom jgħinu biex jinfurzaw il-liġijiet biex jittieħdu passi legali kontra reati bħal dawn.

4.34

L-Artikolu 19(e): wara l-frażi “l-għadd ta’ intervisti ikun limitat kemm jista’ jkun u l-intervisti jsiru biss fejn strettament meħtieġ għall-għan ta’ proċedimenti kriminali”, għandha tiżdied il-frażi “jew biex jiġu żgurati s-sigurtà u l-benesseri tat-tfal”.

4.35

L-Artikolu 21(“L-imblukkar ta’ siti elettroniċi”) għandu jiġi abbozzat mill-ġdid (18). Għandha tingħata prijorità lit-tneħħija tas-siti aktar milli jiġu bblukkati. L-imblukkar għandha tkun miżura sekondarja fejn it-tneħħija ma tistax issir. L-imblukkar, flimkien mat-tneħħija, jista’ jservi ta’ tattika fuq perijodu qasir li xxekkel l-aċċess u tħares lill-utenti innoċenti minn espożizzjoni għal kontenut tal-abbuż sesswali tat-tfal (19). Dan l-artikolu għandu jitlob lill-Istati Membri sabiex jaġixxu immedjatament biex jagħlqu s-sit.

4.36

Fejn it-tneħħija ma tkunx possibbli immedjatament, l-isforzi għandhom ikunu mmirati lejn l-investigazzjoni tal-movimenti u l-attivitajiet tas-siti elettroniċi assoċjati mad-distribuzzjoni tal-kontenut tal-abbuż tat-tfal sabiex l-informazzjoni tkun tista’ tingħata lill-korpi awtorizzati u lill-aġenziji internazzjonali responsabbli mill-infurzar tal-liġi bil-għan li dan il-kontenut jitneħħa aktar tard mill-internet u li d-distributuri jiġu investigati. Il-KESE jirrakkomanda:

sforz internazzjonali min-naħa tar-reġistri tal-ismijiet tad-dominji u l-awtoritajiet rilevanti sabiex id-dominji assoċjati mal-abbuż sesswali tat-tfal jitneħħew mir-reġistri;

sforzi ikbar sabiex tiġi investigata l-attività tal-iskambju tal-fajls, inklużi dawk skambjati “peer-to-peer”.

4.37

L-Artikolu 21(2): għandhom isiru sforzi wkoll biex jiġi żgurat jew jiġi ordnat li l-istituzzjonijiet finanzjarji jieħdu azzjoni biex jinvestigaw u jwaqqfu l-fluss tat-transazzjonijiet finanzjarji li jsiru permezz tas-servizzi tagħhom u li jiffaċilitaw l-aċċess għal materjal tal-abbuż sesswali tat-tfal.

5.   Elementi addizzjonali li għandhom jiġu kkunsidrati u jiddaħlu fid-Direttiva

5.1

Id-Direttiva ma tirreferix għall-protezzjoni tad-data: il-protezzjoni tat-tfal għandha tingħata preċedenza fuq il-protezzjoni tad-data u l-libertà tal-kelma f’ċerti ċirkostanzi definiti tajjeb, hekk kif tipprevedi l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

5.2

Jeħtieġ li fil-livell tal-Unjoni Ewropea jkun hemm aktar kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u li jiġu adottati sistemi nazzjonali u internazzjonali ta’ ġestjoni tat-trasgressuri u “Sistema ta’ Notifika għal Tfal Nieqsa”.

5.3

Il-każijiet ta’ abbuż tat-tfal fejn it-trasgressuri jkunu tfal mhumiex ikkunsidrati. Dan għandu jiġi kkunsidrat taħt każijiet speċjali u kopert taħt l-Artikolu 9. S’issa huwa kopert biss minn kumment qasir dwar il-programmi ta’ intervent fl-Artikolu 20 (20).

5.4

Filwaqt li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-KESE jitlob lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw il-provvediment tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanzja u l-appoġġ psikoloġiku meħtieġa għal dawk li jaħdmu biex jipproteġu lill-vittmi, bil-għan li jiġi evitat id-deterjorament mentali. Mill-perspettiva tal-persunal, dan għandu jkun rekwiżit obbligatorju u mhux għażla volontarja.

5.5

Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni talli għarfet il-bżonn ikbar ta’ “skambju ta’ informazzjoni u esperjenza fil-prosekuzzjoni, il-protezzjoni jew il-prevenzjoni, iż-żjieda fl-għarfien, kooperazzjoni mas-settur privat u l-inkoraġġiment tal-awtoregolazzjoni”. F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġi kkunsidrat il-post tax-xogħol. B’hekk, min iħaddem u l-impjegati jkunu konxji tar-responsabbiltajiet tagħhom fir-rigward tar-rappurtar ta’ attivitajiet illegali li jistgħu joħorġu fid-dieher l-ewwel fil-post tax-xogħol jew mill-klijenti/provvedituri (21).

5.6

Il-KESE jinnota li l-implimentazzjoni tad-Direttiva l-ġdida mhux ser tinvolvi spejjeż addizzjonali. Madanakollu hemm bżonn ta’ iktar riżorsi għall-investigazzjoni, il-pubbliċità, it-taħriġ, l-għoti ta’ pariri u s-servizzi ta’ appoġġ legali sabiex l-abbuż jinqered fl-iqsar żmien possibbli.

5.7

Fl-aħħar nett, il-KESE jippromovi t-twaqqif ta’ korp internazzjonali tal-infurzar tal-liġi maħsub biex jinvestiga l-abbuż sesswali tat-tfal madwar id-dinja, jidentifika u jieħu passi legali kontra d-distributuri tal-kontenut u jeħles it-tfal mit-tbatija. Hemm numru ta’ tattiki (22) li huma kapaċi jimminimizzaw id-disponibbiltà tal-kontenut u li, jekk jiġu adottati fuq skala globali, jistgħu jiżguraw li r-rispons internazzjonali lejn dawn ir-reati jkun iktar effettiv, mgħaġġel u dissważiv.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara r-referenza fl-opinjoni tal-KESE ĠU C 317, 23.12.2009, p.43. “Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali”, 25.10.07, http://conventions.coe.int/Treaty/EN/treaties/Html/201.htm (mhux disponibbli bil-Malti). Dawn l-Istati Membri għadhom ma ffirmawx din il-Konvenzjoni: ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, il-Latvja u Malta

(http://conventions.coe.int/Treaty/Commun/ChercheSig.asp?NT=201&CM=&DF=&CL=ENG) (mhux disponibbli bil-Malti).

“Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u dwar il-Bejgħ tat-Tfal, il-Prostituzzjoni tal-Minorenni u l-Pornografija tat-Tfal”. Adozzjoni: Mejju 2000. Dħul fis-seħħ: Jannar 2002.

http://www2.ohchr.org/english/law/crc-sale.htm (mhux disponibbli bil-Malti). Dawn l-Istati Membri għadhom ma rratifikawx dan il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal: r-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Lussemburgu u Malta (http://treaties.un.org/Pages/ViewDetails.aspx?src=TREATY&mtdsg_no=IV-11-c&chapter=4&lang=en) (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Il-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (Internet Corporation for Assigned Names and Numbers).

(3)  IWF (www.iwf.org.uk), ECPAT International (http://www.ecpat.com), Save the Children (www.savethechildren.org), Missing Children Europe (www.missingchildreneurope.eu), Amnesty International (www.amnesty.org).

(4)  Għadd ta’ każijiet ta’ abbuż irrappurtati dan l-aħħar, uħud skoperti minħabba l-intervent tal-Istat, jagħtu xhieda ta’ abbuż sistematiku u fuq skala wiesgħa fl-istituzzjonijiet reliġjużi, ċrieki ta’ pedofili u skejjel/orfanatrofji li ħafna minnhom nżammu moħbija għal snin sħaħ sabiex titħares ir-reputazzjoni jew l-immaġni tal-individwi u tal-istituzzjonijiet.

(5)  http://www.iwf.org.uk/documents/20100511_iwf_2009_annual_and_charity_report.pdf.

(6)  http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm.

(7)  Il-proġett ISIS stabbilixxa li eluf ta’ fajls bi stampi ta’ abbuż sesswali tat-tfal jiġu skambjati kull minuta f’dawn in-netwerks “peer-to-peer”. “Supporting Law Enforcement in Digital Communities through Natural Language Analysis”, International Workshop on Computational Forensics, Springer Lecture Notes in Computer Science 5158, (2008) pp. 122-134.

(8)  Il-Korporazzjoni tal-Internet dwar l-Ismijiet u n-Numri Assenjati (Internet Corporation for Assigned Names and Numbers).

(9)  CEOP.

(10)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(11)  ĠU C 224, 30.8.2008, p.61.

(12)  Din il-kwistjoni ġiet enfasizzata reċentement f’każ fil-Portugall.

(13)  L-ECPAT jirrakkomanda dispożizzjoni speċifika li ddawwar il-piż tal-prova tal-età tal-persuna fil-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal fuq dawk l-individwi li jipproduċu, iqassmu u/jew jkollhom fil-pussess tagħhom dan il-materjal. Dan il-pass diġà ġie implimentat fil-Pajjiżi l-Baxxi.

(14)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(15)  ECPAT – Inwaqqfu l-Prostituzzjoni tal-Minorenni, il-Prostituzzjoni tat-Tfal u t-Traffikar tat-Tfal għal Għanijiet Sesswali – għandha status konsultattiv speċjali mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tan-NU (ECOSOC).

(16)  Id-Dikjarazzjoni ta’ Rio de Janeiro u s-Sejħa għal Azzjoni għall-Prevenzjoni u t-Tmiem tal-Isfruttament tat-Tfal u l-Adoloxxenti.

(17)  Ara: http://www.un.org/docs/ecosoc/documents/2005/resolutions/Resolution%202005-20.pdf.

(18)  Ara Appendiċi 1: International Watch Foundation report on blocking and removal.

(19)  http://www.iwf.org.uk/public/page.148.htm.

(20)  Huwa stmat li madwar terz tat-trasgressuri sesswali tat-tfal huma taħt l-età ta’ 18-il sena (May-Chahal u Herzog, 2003).

(21)  Il-KESE ppropona proġett Ewropew “L-Ewropa Kontra l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal - GĦID LE!” Ara l-opinjoni kwotata fin-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(22)  Ara r-rapport tal-Internet Watch Foundation.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/145


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar”

COM(2009) 591

2011/C 48/25

Relatur: is-Sur NARRO

Korelatur: is-Sur KAPUVÁRI

Nhar it-28 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar

COM(2009) 591 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Agrikolu u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’121 vot favur, l-ebda vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Ir-rapporti u l-konklużjonijiet imfassla mill-Kummissjoni Ewropea dawn l-aħħar snin joffru analiżi li tikxef id-dgħufijiet u n-nuqqasijiet tal-funzjonament tal-katina tal-valur. Il-volatilità tal-prezzijiet, l-ispekulazzjoni, il-bejgħ bi prezzijiet li ma jkoprux l-ispejjeż, in-nuqqas ta’ trasparenza, il-firxa ta’ prattiki inġusti u antikompetittivi u d-diskrepanzi fis-saħħa ta’ negozjar tal-partijiet ikkonċernati huma problemi li jaffettwaw il-ġejjieni tas-settur kollu tal-ikel u jheddu s-sopravivenza ta’ dak li huwa magħruf bħala “l-mudell agrikolu Ewropew”.

1.2   Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar, il-Kummissjoni tidentifika b’mod opportun l-oqsma li jirrikjedu azzjoni prijoritarja. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li l-proposti qed jiġu adottati bil-mod u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tħaffef il-proċess tagħha ta’ teħid tad-deċiżjonijiet f’qasam li jirrikjedi azzjoni urġenti, prattika u konkreta. Il-Grupp imġedded ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari għandu jkompli l-ħidma tiegħu mill-aktar fis u jsir pilastru tal-politiki l-ġodda u dawk li qed jiġu żviluppati fil-qasam agroalimentari.

1.3   Is-suċċess ser jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-atturi kollha fil-katina alimentari. Huwa essenzjali li dawn jaħdmu flimkien b’mod ikkoordinat u konġunt f’qasam fejn id-differenzi bejn is-swieq u l-prodotti nazzjonali varji huma konsiderevoli. L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi tmexxija determinata fl-isforzi li jsiru f’dan ir-rigward u tħeġġeġ kemm l-aġġustament tal-istrumenti eżistenti kif ukoll miżuri ġodda li jiffaċilitaw żvilupp aktar ibbilanċjat tal-katina u t-titjib tal-kompetittività.

1.4   L-analiżi tal-inizjattivi żviluppati s’issa fil-qasam tal-katina alimentari turi l-limiti tal-effettività tal-awtoregolazzjoni u tal-ftehimiet volontarji. Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi volontarji, iżda jinnota li mingħajr korpi ta’ kontroll u sanzjonijiet effettivi mhux ser ikun possibbli li jitwaqqaf in-nuqqas ta’ konformità ma’ dawn il-mekkaniżmi tal-aktar ħoloq b’saħħtihom tal-katina.

1.5   Flimkien mal-bidliet fl-imġiba tal-atturi ekonomiċi għandu jkun hemm regolazzjoni tas-suq li twitti t-triq għal approċċ ġdid lejn is-settur agroalimentari. Sabiex is-sistema tkun aktar trasparenti, il-prattiki kuntrattwali għandhom jissaħħu u għandha tiġi eżaminata fuq bażi settorjali l-possibbiltà li jiġu introdotti klawsoli vinkolanti jew l-obbligu li jitfasslu kuntratti bil-miktub. Ħafna mill-objettivi li tindika l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni jistgħu jinkisbu biss bl-użu ta’ leġislazzjoni proporzjonata u adegwata.

1.6   Rigward il-kodiċijiet ta’ prattika tajba, l-UE għandha tieħu l-inizjattivi nazzjonali bħala mudell u tfassal mekkaniżmu effettiv ta’ kontroll u sanzjoni billi toħloq ombudsman Ewropew. Flimkien mal-kontenut ta’ dawn il-kodiċijiet ta’ prattika tajba, huma kruċjali wkoll l-effiċjenza tagħhom u l-livell ta’ konformità magħhom.

1.7   Il-liġi nazzjonali u Komunitarja dwar il-kompetizzjoni għandha tiġi aġġustata b’mod sinifikanti sabiex tiġi promossa l-organizzazzjoni soda tas-settur, jiġi żgurat li l-ktajjen tal-provvista jiffunzjonaw b’mod flessibbli u tingħata ċertezza legali lill-operaturi, għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Il-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Settur tal-Ħalib (1) u l-konklużjonijiet tal-Presidenza Spanjola dwar il-Komunikazzjoni dwar il-katina tal-provvista alimentari (2) jaqblu mal-fehmiet tal-KESE dwar l-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni b’mod flessibbli li jirrifletti l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur agrikolu.

1.8   Il-KESE jieħu nota tal-konċentrazzjoni qawwija tad-domanda, speċjalment fis-settur tad-distribuzzjoni bl-ingrossa, li tinsab f’kuntrast mal-frammentazzjoni tal-offerta u taffettwa l-funzjonament tajjeb tal-katina tal-valur. L-iżvilupp u t-tisħiħ tar-rwol tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali jistgħu jgħinu sabiex itaffu n-nuqqas ta’ organizzazzjoni fis-settur tal-produzzjoni. Din l-isfida għandha twassal għal riflessjoni serja, mhux dwar id-daqs tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi iżda dwar kif dawn jistgħu jinbidlu f’għodod effettivi ta’ kummerċjalizzazzjoni f’idejn il-bdiewa. L-organizzazzjonijiet tal-produtturi ma jistgħux ikunu l-uniku strument validu biex itejbu l-organizzazzjoni ekonomika tal-offerta agrikola.

1.9   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex ma tiffokax ir-riflessjoni tagħha fuq kif tikkonċentra l-offerta biss, u biex taġixxi b’mod deċiżiv fis-settur tad-domanda filwaqt li tikkontrolla l-abbużi minn pożizzjonijiet dominanti u ċerti prattiki inġusti u antikompetittivi li ħafna drabi ma jkunux kontrollati b’mod effettiv min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji.

1.10   Il-konsumaturi Ewropej għandhom bżonn prezzijiet u strutturi ta’ prezzijiet li huma adatti, prevedibbli u stabbli. Il-miżuri prosposti fil-Komunikazzjoni jkunu jistgħu jaħdmu b’mod aktar effettiv jekk jingħataw pubbliċità wiesgħa u jekk tiġi evitata d-distorsjoni tal-għażla tal-konsumatur. Iċ-ċentri għall-monitoraġġ tal-prezzijiet ikunu utli biss jekk, minflok ma jillimitaw ruħhom għall-osservazzjoni tal-prezzijiet, ikunu jistgħu jirrreaġixxu malajr għad-distorsjonijiet possibbli fl-iżvilupp tal-prezzijiet.

2.   Sommarju tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Il-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi r-rwol importanti li taqdi l-katina tal-provvista tal-ikel – magħmula mill-bdiewa, l-industrija u d-distributuri – fl-ekonomija Ewropea (3). Fil-fatt, il-monitoraġġ tal-funzjonament tal-katina alimentari sar prijorità politika fuq l-aġenda Komunitarja. Il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar hija l-konsegwenza ta’ tħassib leġittimu min-naħa tal-leġislatur Ewropew u oriġinat mill-idea li jiġu stabbiliti miżuri prattiċi fil-livell nazzjonali u Komunitarju sabiex jgħinu s-sitwazzjoni tal-katina tal-provvista alimentari titjieb.

2.2   Il-Komunikazzjoni tressaq sensiela ta’ proposti prattiċi għal kull waħda mit-tliet sfidi li qed tiffaċċja l-katina tal-provvista alimentari kif deskritt fid-dokument. Sabiex tippromovi relazzjonijiet sostenibbli, il-Kummissjoni għandha l-mira li tiġġieled il-prattiki inġusti u li tissorvelja l-kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni. Qed tagħmel sforz sabiex tindirizza l-kwistjoni dejjem prijoritarja ta’ trasparenza akbar fil-katina alimentari, permezz tal-ġlieda kontra l-ispekulazzjoni u l-ħolqien ta’ strument Ewropew għall-kontroll tal-prezzijiet tal-ikel. Fl-aħħar, sabiex tagħti spinta lill-kompetittività, il-Kummissjoni hija lesta tirrevedi l-leġislazzjoni dwar it-tikkettar u l-ambjent, tillimita l-prattiki tal-provvista reġjonali u ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fin-negozjati permezz ta’ strumenti bħall-organizzazzjonijiet tal-produtturi.

2.3   F’Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea hija mistennija tippubblika rapport ta’ segwitu dwar il-livell ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ewlenin proposti, akkumpanjat minn komunikazzjoni ġdida dwar is-superviżjoni tas-suq tal-konsumaturi. Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li testendi l-mandat u l-kompożizzjoni tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari u tagħmel minn dan il-grupp forum ġenwin għad-diskussjoni dwar il-katina tal-provvista alimentari.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Permezz ta’ din il-Komunikazzjoni u ta’ inizjattivi oħrajn, f’dawn l-aħħar snin l-UE wriet li s-sitwazzjoni li qed tiffaċċja l-katina tal-provvista alimentari saret waħda mill-kwistjonijiet prijoritarji fuq l-aġenda tal-politika tagħha. Il-volatilità tal-prezzijiet u l-iżbilanċi tal-poter fil-katina tal-provvista kienu ta’ detriment għall-konsumatur u għas-settur tal-produzzjoni. Minkejja l-bosta analiżijiet u proposti li saru matul dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni xorta għadha tippreżenta għadd ta’ distorsjonijiet li jpoġġu serjament fid-dubju s-sostenibbiltà tant mixtieqa tal-mudell agrikolu Ewropew.

3.2   Minbarra li tiżgura provvista adegwata tal-ikel, il-kwalità hija kwistjoni ta’ importanza strateġika; għalhekk, huwa essenzjali li tingħata protezzjoni adegwata lill-prodotti koperti mill-marki ta’ kwalità. Il-problemi ta’ effiċjenza fil-katina tal-provvista alimentari jistgħu jnaqqsu l-għażla ta’ prodotti fis-suq uniku, u ħaġa bħal din tipperikola l-mudell agrikolu Ewropew. F’bosta dokumenti, il-Kummissjoni ddiskutiet il-kontradizzjonijiet li jġib miegħu l-mod kif tiffunzjona l-katina tal-provvista alimentari fl-Unjoni Ewropea, iżda l-Komunikazzjoni ma tirriflettix dan il-fatt.

3.3   L-iżbilanċi fil-katina tal-provvista alimentari Ewropea huma wkoll ta’ periklu għall-interessi taċ-ċittadin Ewropew. Minħabba d-diskrepanzi li jeżistu bejn il-prezzijiet tal-materja prima u dawk tal-prodotti tal-konsum, żviluppaw strutturi ta’ prezzijiet li mhumiex realistiċi u dawn jipperikolaw il-prospetti fit-tul tal-ħoloq fil-katina tal-valur kif ukoll l-ordni ekonomiku u soċjali kollu tal-UE. Is-settur tal-bejgħ bl-imnut huwa kkonċentrat u organizzat ħafna u jżomm il-prezzijiet tal-ikel għall-konsumatur taħt pressjoni kontinwa. Il-ktajjen tal-provvista alimentari l-kbar jistgħu jagħmlu dan għaliex, bis-saħħa ta’ ċerti prattiki kummerċjali, il-marġni ta’ profitt tagħhom mhumiex iġġenerati biss mill-konsumaturi iżda wkoll mill-provvedituri, kif turi l-isplużjoni tal-prezzijiet tal-irziezet fl-2007 u l-2008. Il-politiki kummerċjali bbażati fuq it-teknika ta’ “marġni ta’ profitt doppju” qed jikkawżaw problemi serji għall-konsumaturi u l-provvedituri.

3.4   It-tensjoni dejjem tikber fir-relazzjonijiet bejn l-atturi tal-katina tal-provvista alimentari qed twassal għal dinamiki ekonomiċi differenti, li qed ikunu parikolarment ta’ ħsara għas-settur tal-agrikoltura li qed ibati minn kriżi bla preċedent fil-kuntest ta’ kriżi ekonomika ġenerali profonda.

3.5   Il-KESE u l-Kummissjoni jaqblu wkoll dwar l-oqsma ta’ prijorità għall-azzjoni u dwar il-bżonn li jiġu ppreżentati b’mod urġenti miżuri ġodda u għodod konkreti biex jitjieb il-funzjonament tal-katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa. Hemm bżonn ta’ bidliet sostanzjali sabiex tkun tista’ tingħata direzzjoni ġdida. Sabiex l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur agroalimentari jiġu indirizzati b’suċċess, il-KESE jappella għall-iżvilupp ta’ produzzjoni diversifikata, it-tnaqqis tal-ispejjeż billi jiżdied id-daqs tal-irziezet u t-titjib tal-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni.

3.6   Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet ewlenin tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija Agroalimentari, li jirriflettu l-ħidma reċenti tal-Kumitat dwar il-kwistjonijiet agrikoli (4):

Bħalissa, huwa s-suq, u s-suq biss, li jiddetermina l-kwistjoni ewlenija ta’ min jieħu liema sehem fil-katina tal-valur, b’konformità mal-prinċipji tas-suq ħieles. Dan huwa ta’ detriment speċjalment għall-bdiewa li, għalkemm f’ħafna każijiet l-ispejjeż ta’ kull prodott qed jiżdiedu, sikwit jiffaċċjaw tnaqqis dejjem akbar fil-prezzijiet tal-produzzjoni u ħafna drabi huma obbligati jirreaġixxu permezz ta’ miżuri li jmorru kontra l-għanijiet tal-mudell agrikolu Ewropew. Billi 77 % tas-suq tal-ikel fl-UE-27 diġà huwa kkontrollat minn ħmistax-il katina kummerċjali biss, il-KESE jħoss li, bħalma qed jiġri fl-Istati Uniti, għandu jiġi kkunsidrat jekk il-liġi tal-kompetizzjoni hix biżżejjed biex tipprevjeni l-istrutturi li jiddominaw is-suq u l-prattiki kuntrattwali dubjużi. Huwa importanti li l-gruppi tal-partijiet ikkonċernati kollha jkunu involuti f’dan l-eżerċizzju.

3.7   Is-suċċess ta’ dawn l-inizjattivi kollha ser jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-atturi kollha fil-katina tal-provvista alimentari. Huwa essenzjali li jsiru sforzi kkoordinati bejn il-korpi differenti u li ssir reviżjoni tal-applikazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri proposti mill-Kummissjoni Ewropea diġà ġew implimentati fil-livell nazzjonali (5). Għaldaqstant, jeħtieġ li jsir studju dwar l-approċċi nazzjonali differenti adottati fir-rigward tal-istess problemi u dwar ir-riżultat finali, ta’ spiss insinifikanti, ta’ ħafna mill-inizjattivi implimentati mill-Istati Membri. Dan huwa minnu, pereżempju, fil-każ tat-twaqqif ta’ ċentri għall-monitoraġġ tal-prezzijiet jew it-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ prattika tajba li, minħabba n-nuqqas ta’ għodod effettivi għall-kontroll u l-applikazzjoni, ma rnexxilhomx jillimitaw l-abbużi.

3.8   Il-Komunikazzjoni tindirizza b’mod ġenerali wħud mill-aspetti tal-katina tal-provvista alimentari li diġà ġew analizzati fid-dettall fil-livell nazzjonali jew fi ħdan l-industrija. L-isforzi ta’ Franza biex tibbilanċja l-katina tal-provvista alimentari servew bħala punt ta’ riferiment għall-Istati Membri l-oħra. Il-liġi fi Franza dwar il-modernizzazzjoni tal-agrikoltura jmur lil hinn mill-Komunikazzjoni: jiddefinixxi qafas kuntrattwali mandatarju għall-volumi u l-prezzijiet, jesiġi klawżoli vinkolanti, jestendi d-dmirijiet tal-korpi interprofessjonali fl-industrija u jipprevedi sistema ta’ medjazzjoni u sanzjonijiet sabiex jiġu solvuti l-kunflitti li jista’ jkun hemm.

3.9   Fil-livell settorjali, il-Kummissjoni rrikonoxxiet is-settur tal-ħalib bħala wieħed li għandu bżonn li tittieħed azzjoni urġenti. Għalhekk, il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Settur tal-Ħalib, li twaqqaf f’Ottubru 2009, estenda l-ambitu tiegħu lil hinn minn dak tal-Komunikazzjoni u ffoka fuq it-tfassil ta’ qafas kuntrattwali standard, fuq il-possibbiltajiet ta’ żvilupp għal dawk involuti fl-organizzazzjonijiet interprofessjonali u tal-produtturi u fuq l-implimentazzjoni tas-suq tal-futures fis-settur tal-ħalib. Fil-kuntest ta’ dawn l-inizjattivi kollha fil-livell Komunitarju, nazzjonali u settorjali, il-KESE, li huwa konxju tal-kumplessità u l-firxa ta’ dawn il-kwistjonijiet, jixtieq jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit qafas Komunitarju bażiku sod, iħeġġeġ l-iskambju tal-esperjenza u jappella għal koordinazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet kompetenti.

3.10   Il-KESE diġà enfasizza f’diversi okkażjonijiet l-importanza li l-leġislazzjoni tiġi adattata għas-sitwazzjoni attwali li qed tiffaċċja l-katina tal-provvista alimentari. Il-bidliet wiesgħa li għandhom isiru fil-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja għandhom ikunu akkumpanjati mill-ħolqien ta’ qafas ġdid għar-relazzjonijiet fi ħdan il-katina tal-provvista li jistimola l-kooperazzjoni, it-trasparenza u t-tqassim ġust tal-benefiċċji fil-katina tal-valur. L-awtoregolazzjoni fis-settur għandha tiġi promossa flimkien mal-introduzzjoni ta’ strumenti volontarji. L-applikazzjoni effettiva tas-sistema timplika impenn deċiżiv għat-trasparenza, li jitlob mekkaniżmi ta’ kontroll li jiggarantixxu l-konformità mal-ftehimiet volontarji li jistgħu jiġu konklużi bejn il-ħoloq differenti tal-katina.

3.11   Fil-Komunikazzjoni u d-dokumenti ta’ ħidma li jakkumpanjawha, il-Kummissjoni tivvaluta l-volatilità tal-prezzijiet bir-reqqa. Madankollu, jeħtieġ li jitwettaq studju kritiku dwar il-mod kif il-bidliet reċenti tal-PAK, imfassla fil-“kontroll tas-saħħa”, affettwaw il-bilanċ tal-katina tal-provvista alimentari. It-tneħħija tal-istrumenti maħsuba għar-regolazzjoni tas-suq fil-qasam tal-agrikoltura (kwoti, intervenzjoni, ħżin) kellhom impatt negattiv fuq il-volatilità tal-prezzijiet u l-ġestjoni tas-suq, u dan il-punt għandu jiġi kkunsidrat fl-analiżi tal-eżekuttiv Komunitarju.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-promozzjoni ta’ relazzjonijiet sostenibbli tas-suq

4.1.1   Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni tosserva n-nuqqas ta’ simmetrija bejn il-ħoloq differenti tal-katina tal-provvista. Dawn l-iżbilanċi jwasslu għal prattiki kummerċjali li huma inġusti u li jmorru kontra l-kompetizzjoni. Dawn l-iżbilanċi qed jinfirxu b’rata mgħaġġla fil-każ tal-prodotti tal-ikel li jitħassru malajr, billi f’dan il-każ hemm inqas lok għan-negozjar. Il-KESE jaqbel mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-prattiki kuntrattwali permezz ta’ regoli komuni definiti fil-livell Ewropew. Minkejja li l-kuntratti jistgħu jitfasslu fuq bażi volontarja, għandhom jiġu kkunsidrati għadd ta’ każijiet fejn jista’ jiġi introdott l-obbligu legali li jiġi ppreżentat kuntratt bi klawżoli kuntrattwali speċifiċi.

4.1.2   Huwa x’inhuwa l-każ, il-Kummissjoni għandha timpedixxi li t-transazzjonijiet ta’ prodotti agrikoli jsiru mingħajr ma jinżammu rekords bil-miktub, sabiex ma jibqgħux isiru prattiki mifruxa u insidjużi bħal dik tal-“prezzijiet miftuħa”, fejn il-prezz imħallas lill-bidwi jiġi stabbilit a posteriori fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ li jkun kiseb l-intermedjarju. Barra l-ftehimiet kuntrattwali, il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiġu introdotti kodiċijiet ta’ prattika tajba (6) u kumitat għall-monitoraġġ sabiex jiżgura li dan il-kodiċi jiġi rrispettat. Dan il-kodiċi ta’ prattiki kummerċjali tajba għandu jiżgura l-kwalità tan-negozjati bejn il-ħoloq kollha fil-katina tal-provvista, għall-benefiċċju tal-konsumatur. Il-leġislatur Ewropew għandu jwaqqaf il-prattika li tikkonsisti f’bejgħ b’telf bħala strateġija normali maħsuba biex tiġbed il-konsumatur, u għandu janalizza l-impatt tal-użu dejjem jikber ta’ tikketti tad-distributuri fuq il-kompetizzjoni, l-għażla tal-konsumatur u l-promozzjoni tal-prodotti ta’ kwalità tal-UE.

4.1.3   Hemm differenzi sinifikanti fil-mod kif jiġu applikati r-regoli dwar il-kompetizzjoni fil-livell nazzjonali. Il-mod kif tiġi ttrattata l-istess imġiba ta’ assoċjazzjoni interprofessjonali tvarja ħafna skont l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li teżamina l-kwistjoni f’pajjiż partikolari. F’ħafna pajjiżi, hemm it-tendenza li kwalunkwe inizjattiva tas-settur tal-produzzjoni biex tittejjeb il-ġestjoni tal-provvista tiġi ppenalizzata. Dan mhu xejn ġdid: minkejja l-isforzi li saru biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni man-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, il-passi li ttieħdu mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma kinux ikkoordinati b’mod effettiv.

4.1.4   Il-KESE jirrakkomanda mudell ġdid għar-relazzjonijiet bejn il-konsumaturi u l-produtturi li jkun ta’ vantaġġ għas-swieq lokali (possibbilment permezz tal-introduzzjoni ta’ kwoti minimi obbligatorji) u li jelimina lill-intermedjarji permezz ta’ rotot iqsar jew prodotti “b’żero kilometri” (“zero food miles”). Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħeġġeġ lill-produtturi jieħdu inizjattivi sabiex flimkien mal-konsumaturi jfittxu l-akbar valur miżjud għall-prodotti tagħhom u jissalvagwardjaw l-identità kulturali u reġjonali tal-ikel.

4.1.5   Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard qajmet dibattitu interessanti madwar l-Ewropa dwar jekk il-perijodu tal-ħlas għall-prodotti agroalimentari għandux jiqsar. Fil-każ tal-prodotti li jitħassru malajr, ikun utli li jiġi stabbilit perijodu ta’ mhux aktar minn 30 ġurnata, li jibda mid-data tal-kunsinna tal-prodotti lill-klijent u mhux mid-data tal-ħruġ tal-fattura. Apparti kontroll akbar fuq il-ħlasijiet li jsiru tard, għandha tiġi inkluża definizzjoni ċara tal-prattiki u l-klawsoli abbużivi, kif ukoll strumenti effettivi sabiex dawn jitneħħew għalkollox mir-relazzjonijiet kummerċjali.

4.2   It-trasparenza tal-katina tal-provvista alimentari

4.2.1   Fil-fehma tal-KESE, hemm bżonn reali ta’ trasparenza fil-prezzijiet (7). Il-ħolqien ta’ strument Komunitarju ġdid għall-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-ikel għandu jimxi id f’id ma’ setgħat ġodda ta’ sorveljanza u sanzjonijiet. Il-KESE jqis li għandu jkun hemm ċaqliq mill-monitoraġġ għall-azzjoni, sabiex il-korpi adegwati jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr u b’mod effettiv għad-distorsjonijiet fit-tendenzi tal-prezzijiet.

4.2.2   Il-KESE ma jaqbilx mal-idea li jekk il-konsumatur jingħata possibbiltà akbar li jqabbel il-prezzijiet ikun hemm trasparenza akbar fil-katina tal-provvista alimentari. Trasparenza u prevedibbiltà akbar tal-prezzijiet huma biss fattur wieħed minn ħafna li jinfluwenzaw it-tendenzi u l-proċessi ta’ formazzjoni tal-prezzijiet.

4.2.3   Mingħajr l-armonizzazzjoni tal-bażijiet ta’ referenza għat-trasmissjoni tal-prezzijiet, l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea, li huma ta’ min ifaħħarhom, biex jiġu armonizzati u kkoordinati l-istrumenti nazzjonali differenti għall-monitoraġġ tal-prezzijiet ser ifallu. Qiegħda tintuża l-istess referenza hija u tinġabar id-data? Jeżistu linji gwida komuni dwar kif għandhom jitwaqqfu u jiffunzjonaw l-osservatorji tal-prezzijiet? L-UE għandha korpi kapaċi jintervjenu meta jinqabdu każijiet ta’ diskrepanzi, anomaliji u fluttwazzjonijiet mhux ġustifikati fil-prezzijiet? Id-data mressqa quddiem il-Kummissjoni mill-Istati Membri ħafna drabi ma tapplikax l-istess kriterji. Pereżempju, ġie nnotat li fil-każ tal-frott taċ-ċitru l-prezzijiet ippubblikati mill-Kummissjoni taħt l-intestatura tal-prezzijiet tal-produtturi huma fil-fatt il-prezzijiet ta’ meta l-prodotti jinħarġu mill-imħażen, li ma jinkludux l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni. Dawn id-differenzi fid-data jistgħu jagħtu stampa konfuża tas-sitwazzjoni u b’hekk jagħmluha aktar iebsa sabiex tinkiseb it-trasparenza.

4.2.4   Il-miżuri proposti mill-Komunikazzjoni ma jistgħux jaħdmu tajjeb kemm-il darba ma jibbenefikawx minn pubbliċità adatta. Dan huwa punt kruċjali, meta wieħed jikkunsidra l-bżonn li l-konsumatur jingħata informazzjoni preċiża. Minħabba ż-żieda fil-konċentrazzjoni kemm tal-industrija agroalimentari kif ukoll tas-settur tad-distribuzzjoni, ir-reputazzjoni tad-ditti saret iktar vulnerabbli, bir-riskji kollha li dan iġib miegħu għan-negozji.

4.3   It-titjbib tal-kompetittività u l-integrazzjoni fil-katina tal-provvista alimentari

4.3.1   Il-Kummissjoni qed twettaq ħidma tassew importanti biex tiżviluppa suq uniku għall-prodotti tal-ikel. Minkejja dan, il-varjazzjoni kbira fil-prezzijiet bejn il-pajjiżi għandha rabta diretta mal-livelli differenti tal-kapaċità tal-akkwist. Mhux biss l-Istati Membri l-ġodda (UE-12) mhux qed jirnexxilhom ilaħħqu mal-pajjiżi l-oħra, iżda wkoll id-differenzi qegħdin jikbru. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġja lill-Istati Membri l-ġodda sabiex id-diskrepanzi msemmija jiċkienu u l-funzjonament tas-suq uniku jiġi ottimizzat. Jekk it-tendenza ma tinqalibx, is-sehem tas-suq tal-prodotti mill-UE-15 fl-Istati Membri l-ġodda ser jittiekel bil-mod il-mod.

4.3.2   Il-katina tal-provvista alimentari hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ frammentazzjoni fis-settur tal-produzzjoni u konċentrazzjoni qawwija fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, bil-konsegwenza li dan qed iwassal għal żbilanċi serji fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom. Il-KESE jqis li ħafna mill-problemi li qed jipperikolaw il-funzjonament tajjeb tal-katina tal-provvista alimentari ġejjin mill-fatt li n-negozji li jinsabu fl-aħħar tal-katina żviluppaw b’rata aktar mgħaġġla u b’mod aktar omoġenju u kkonċentrat. Il-Kummissjoni Ewropea, li tinsab konxja ta’ din il-kwistjoni, tixtieq tiżviluppa l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (skont il-mudell tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq tal-frott u l-ħaxix) bil-għan li titnaqqas il-frammentazzjoni mil-lat tal-provvista; madankollu, il-KESE jenfasizza li l-aktar ħaġa importanti mhijiex li jinħolqu aktar organizzazzjonijiet tal-produtturi u ta’ daqs akbar, iżda li jissaħħu l-ġestjoni tagħhom u l-kapaċità ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom sabiex isiru strument utli għad-dispożizzjoni tal-bdiewa. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tintroduċi miżuri ġodda kontra l-kriżi u għall-istabbilizzazzjoni, bħal pereżempju strument ta’ assigurazzjoni għad-dħul. L-esperjenza pożittiva tal-Kanada u l-Istati Uniti tal-Amerika f’dan il-qasam hija argument favur l-implimentazzjoni fl-Ewropa ta’ din il-miżura, li ġiet ikkonfermata bħala waħda leġittima mid-WTO.

4.3.3   L-assoċjazzjonijiet interprofessjonali għandhom jiġu rinfurzati u msaħħa mill-ġdid permezz ta’ qafas konġunt għall-azzjoni. Hemm bżonn ta’ leġislazzjoni Ewropea li tarmonizza u tiżviluppa bl-istess regoli l-assoċjazzjonijiet interprofessjonali f’kull Stat Membru b’tali mod li ma jkunux sempliċement round tables settorjali inkarigati mill-promozzjoni ġenerika. Huwa essenzjali li jitneħħew l-ostakli leġislattivi li jxekklu ċ-ċertezza legali ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet huma u jwettqu l-kompitu tagħhom bħala stabilizzaturi tas-suq, u li jingħataw prerogattivi akbar meta jiġu adottati ftehimiet intersettorjali sabiex ma jkunux soġġettati għad-deċiżjonijiet arbitrarji li jieħdu l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Settur tal-Ħalib, adottati fil-15 ta’ Ġunju 2010.

(2)  Konklużjonijiet tal-Presidenza, adottati bil-maġġoranza fil-laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura fid-29 ta’ Marzu 2010.

(3)  Is-settur agroalimentari jirrappreżenta 7 % tal-impjiegi fl-UE u 5 % tal-valur miżjud tagħhom.

(4)  Ir-riforma tal-PAK fl-2013, ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35.

(5)  F’dan ir-rigward, Spanja qdiet rwol ta’ pijuniera billi waqqfet ċentru għall-monitoraġġ tal-prezzijiet, Franza wettqet riflessjoni aktar fil-fond dwar il-kuntratti obbligatorji u r-Renju Unit għażel li jistabbilixxi awtorità ta’ sorveljanza sabiex tiżgura li l-kodiċijiet ta’ prattika tajba jiġu rrispettati.

(6)  ĠU C 175, 28.7.2009.

(7)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 111.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/150


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010”

COM(2010) 4 finali

2011/C 48/26

Relatur: is-Sur RIBBE

Nhar id-19 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Alternattivi għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010

COM(2010) 4 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Agrikolu u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Lulju 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’112-il vot favur, 11-il vot kontra u 11-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fil-fehma tal-Kumitat, kien ikun aħjar li kieku ma kellhiex għalfejn tinkiteb Komunikazzjoni b’dan il-kontenut u kieku l-politiċi għamlu dak li wiegħdu fl-2001 li jwaqqfu t-telf tal-bijodiversità sal-2010 u li jiżguraw li jiġu stabbiliti mill-ġdid il-ħabitats mitlufa. Iżda, dan il-għan għadu ma ntlaħaqx.

1.2

Fil-fehma tal-KESE, jeżistu żewġ nuqqasijiet importanti marbuta ma’ dan. L-ewwel nett, iż-żamma tal-bijodiversità ma kenitx iċ-ċentru tal-attenzjoni tal-miżuri politiċi, u t-tieni nett, huwa ċar li, filwaqt li s-soċjetà hija, b’mod ġenerali, favur il-konservazzjoni tan-natura, xorta waħda hemm nuqqas serju ta’ għarfien dwar il-proċessi ekoloġiċi. Dawn iż-żewġ problemi huma konnessi, u t-tnejn li huma jridu jiġu indirizzati mill-approċċ il-ġdid favur il-bijodiversità.

1.3

Problema oħra hija jekk it-termini użati mill-ispeċjalisti li jfasslu l-politika u l-assoċjazzjonijiet speċjalizzati fil-qasam jinftehmux mill-pubbliku inġenerali. It-termini “bijodiversità”, “speċi” u “servizzi tal-ekosistemi” huma kunċetti li ftit li xejn iqajmu interess jew għandhom tifsira għall-biċċa l-kbira tan-nies.

1.4

Il-KESE jappoġġja l-għanijiet ambizzjużi espressi fl-Alternattiva 4 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li ġiet adottata wkoll mill-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent u mill-Kunsill Ewropew. Sabiex l-istrateġija tikseb suċċess fil-futur hemm bżonn li jsir sforz ikbar u li r-riżorsi finanzjarji u l-bidliet politiċi meħtieġa jiġu ddefiniti minn qabel (1).

1.5

Għalhekk, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew ma jirriċiklawx għanijiet antiki biż-żjieda ta’ informazzjoni ġdida, iżda jfasslu pjan ta’ azzjoni vinkolanti għad-dipartimenti tal-Kummissjoni kollha, bi skeda ċara u għanijiet intermedji, kif ukoll fondi adegwati, u jitlobhom ukoll jipprovdu linji gwida fir-rigward tal-bidliet meħtieġa fil-livell tal-Istati Membri.

1.6

Iż-żamma tal-bijodiversità mhuwiex kompitu fl-ambitu tal-politika ambjentali biss. Din hija wkoll kwistjoni ekonomika fit-tul, u l-ministri tal-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji għandhom għalhekk jindirizzaw din il-kwistjoni.

1.7

Fid-dawl tan-nuqqas estremament inkwetanti ta’ għarfien dwar il-proċessi ekoloġiċi fis-soċjetà, hemm bżonn ta’ azzjoni biex tiżviluppa politika dwar l-edukazzjoni li tirrigwarda l-ambjent naturali.

1.8

Ir-riforma tal-baġit u r-riorjentazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-Politika Komuni tas-Sajd, il-Fondi Strutturali u oqsma ta’ politika rilevanti oħra ser iservu ta’ test adatt tas-serjetà tal-politika tal-UE dwar il-ħarsien tal-bijodiversità.

1.9

Il-kontenut attwali tal-istrateġija l-ġdid UE 2020 ma jindirizzax biżżejjed l-isfidi marbuta maż-żamma tal-bijodiversità. L-approċċ il-ġdid fir-rigward tal-bijodiversità jrid jindirizza dawn in-nuqqasijiet u, eventwalment, isir parti integrali ta’ din l-istrateġija.

1.10

Fil-fehma tal-KESE, dawn l-oqsma ta’ azzjoni huma partikolarment importanti fil-livell tal-UE:

it-tibdil fil-politika agrikola u l-politika tas-sajd,

il-kisba u l-iżvilupp tan-netwerk Natura 2000,

il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ “infrastrtuttura ħadra” permezz ta’ netwerk ta’ TEN favur il-bijodiversità,

l-integrazzjoni tal-bijodiversità fl-oqsma ta’ politika tal-UE l-oħra kollha,

kampanja edukattiva fil-livell tal-UE.

1.11

Hemm bżonn li jinstabu modi ġodda biex għal darb’oħra jinstab bilanċ bejn l-agrikoltura u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet. Kien hemm żviluppi pożittivi f’ċerti Stati Membri, li għandhom jiġu evalwati u żviluppati fuq skala wiesgħa. Il-bdiewa għandhom jingħataw inċentivi biex jipprovdu s-servizzi kkonċernati.

1.12

Il-KESE jistenna li l-UE tipprepara tajjeb għall-Għaxar Konferenza tal-Firmatarji tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u li tagħti kontribut sinifikanti fit-tfassil tal-Pjan Strateġiku l-Ġdid għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika wara l-2010.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1

It-tfassil tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni f’din il-għamla kien bżonjuż għax l-UE ma laħqitx wieħed mill-għanijiet ambjentali ewlenin ta’ dawn l-aħħar għaxar snin: f’Göteborg fl-2001, il-Kunsill Ewopew – bħala parti mill-istrtaeġija tas-sostenibbiltà – stabbilixxa l-għan li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità fl-UE sal-2010 u jibni mill-ġdid il-ħabitats mitlufa. Minkejja l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Bijodiversità li kien adottat fl-2006, u minkejja l-progress innegabbli tan-netwerk tan-NATURA 2000, din il-mira għadha ma ntlaħqitx.

2.2

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li qed nanalizzaw bħalissa hija l-ewwel pass biex nilħqu dan l-għan. Il-Komunikazzjoni tippreżenta alternattivi għall-iżvilupp ta’ viżjoni u miri tal-UE wara l-2010.

2.3

Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi, tenfasizza u tfaħħar bid-dettall l-argumenti favur il-ħarsien tal-bijodiversità. B’mod partikolari, tiġbor fiha stima globali tal-ispejjeż u t-telf ekonomiċi kkawżati mit-telf tal-bijodiversità – u għalhekk tas-servizzi tal-ekosistemi. Fir-Rapport TEEB (The Economics of Ecosystems and Biodiversity – L-Ekonomiji tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità), dawn huma stmati li jiswew madwar EUR 50 biljun (!) fis-sena. Għaldaqstant, it-telf totali tal-prosperità sal-2050 jista’ jiġi stmat li huwa 7 % tal-PNG(!).

2.4

Il-Kummissjoni tagħmilha ċara li l-ħarsien tal-bijodiversità, bħat-tibdil fil-klima, huwa kompitu fit-tul. Għalhekk, il-viżjoni li għandha tiġi żviluppata fir-rigward tal-bijodiversità hija maħsuba li tkun waħda fit-tul (sal-2050), iżda l-UE – bħal-livell internazzjonali – ser tistabbilixxi l-għan (intermedju) tagħha għall-2020.

2.5

Dawk responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi ġew offruti erba’ għażliet, b’livelli differenti ta’ ambizzjoni, għall-“mira ewlenija tal-2020”.

—   Alternattiva 1: It-tnaqqis sinifikanti tar-rata tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020;

—   Alternattiva 2: It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020;

—   Alternattiva 3: It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020 u l-istabbiliment tagħhom mill-ġdid safejn ikun possibbli;

—   Alternattiva 4: It-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi fl-UE sal-2020 u l-istabbiliment tagħhom mill-ġdid safejn ikun possibbli u ż-żieda tal-kontribuzzjoni tal-UE biex ikun evitat telf tal-bijodiversità globali.

3.   Kummenti ġenerali dwar il-politika attwali tal-UE fil-qasam tal-bijodiversità

3.1

L-evalwazzjoni tal-politika tal-UE fil-qasam tal-bijodoversità tagħti riżultati pjuttost diżappuntanti.

3.2

Madwar għaxar snin ilu, saret il-wegħda li t-telf tal-bijodiversità kien ser jitwaqqaf fi żmien għaxar snin u li kienet se ssir ħidma biex il-ħabitats u s-sistemi naturali jiġu stabbiliti mill-ġdid.

3.3

Kienu jsiru stqarrijiet kważi kull sena, jew mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, il-kummissarji responsabbli jew l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li kien hemm bżonn ta’ aktar ħidma minbarra l-miżuri li kienu diġà ttieħdu biex l-għanijiet stabbiliti jintlaħqu; iżda, din il-ħidma qatt ma saret realtà.

3.4

Is-sena l-oħra fl-aħħar ħarġet l-istqarrija li l-għan ma kienx qed jintlaħaq, u dan ma kienx sorpriża għall-KESE. Il-Kumitat kien diġà widdeb f’għadd ta’ opinjonijiet li, fil-fehma tiegħu, il-miżuri ta’ politika meħuda kienu kompletament inadegwati (2).

3.5

Il-fatt li l-UE ma laħqetx l-għan tagħha fil-qasam tal-bijodiversità mhuwiex marbut ma’ nuqqas ta’ għarfien dwar x’għandu jsir jew nuqqas ta’ rieda min-naħa tas-soċjetà ċivili biex tieħu l-passi meħtieġa. Bażikament, ir-raġuni hija li d-dinja tal-politika tpoġġi l-interessi ekonomiċi tal-futur immedjat qabel l-effetti fit-tul tas-servizzi tal-ekosistemi. Il-fatt li s-sistema ekonomika tagħna mhijiex sostenibbli, imsejsa kif inhi fuq l-użu eċċessiv tar-riżorsi naturali, huwa wkoll rifless fil-bijodiversità.

3.6

Għalhekk, il-KESE bi pjaċir jinnota li l-Kummissjoni tanalizza bir-reqqa r-Rapport TEEB u b’hekk tiżviluppa argumenti sodi favur l-importanza ekonomika tal-bijodiversità. Iżda, il-Kumitat iwiddeb kontra l-prattika li l-enfasi ewlenija ssir fuq il-valur monetarju li jingħata lill-bijodiversità, peress li:

jeżistu raġunijiet importanti għaż-żamma tal-bijodiversità li ma jistgħux u m’għandhomx jingħataw valur monetarju, bħad-drittijiet tan-natura, il-kunċett tal-ħolqien, l-importanza kulturali tad-diversità jew sempliċement l-identifikazzjoni man-natura,

il-bżonn li tiġi ppreservata speċi partikolari ma għandu għall-ebda raġuni jissejjes fuq kalkolu tal-valur ekonomiku.

3.7

Il-KESE jinsab imħasseb li r-Rapport TEEB jista’ jiġrilu bħalma ġralu r-Rapport “Stern” dwar it-tibdil fil-klima, li t-twissijiet miġbura fih dwar l-effetti ekonomiċi fit-tul tat-tibdil fil-klima ġew injorati kważi għalkollox fl-arena politika. Il-fatt li l-ministri tal-affarijiet finanzjarji u ekonomiċi għadhom lanqas biss bdew jindirizzaw ir-Rapport TEEB huwa sinifikanti.

3.8

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE huwa tal-fehma li m’għandniex nirriċiklaw l-għanijiet antiki tal-2001 u mmexxu l-iskadenza oriġinali tal-2010 għall-2020, filwaqt li fl-istess ħin nistabbilixxu għanijiet ġodda għall-2050, allavolja dawn huma għanijiet fit-tul importanti. Iżda, għandhom jiġu evalwati l-politiki u l-istrumenti eżistenti, u fl-aħħar ta’ dan il-proċess għandhom jitfasslu u jiġu implimentati miżuri aktar effettivi li jagħtu riżultati aħjar fil-livell lokali. L-istrateġija l-ġdida tal-UE fil-qasam tal-bijodiversità għall-2020 għandha bżonn mhux biss miri finali u intermedji, speċifiċi u kkwantifikati, iżda wkoll, b’mod partikolari, pjani ta’ implimentazzjoni speċifiċi u vinkolanti b’allokazzjoni ċara tar-responsabbiltà. Għandu jkun hemm ukoll fondi adegwati.

4.   Kummenti ġenerali dwar il-Komunikazzjoni

4.1

Il-KESE jieħu l-għan tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bħala dak li jitnieda dibattitu ġdid fost dawk li jfasslu l-politika fl-UE u li jintbagħat messaġġ ċar lis-soċjetà, li mbagħad iwassal għal programm ta’ ħidma ċar għad-dipartimenti rilevanti. Il-KESE jaqbel ma’ dan l-approċċ.

4.2

Huwa jilqa’ r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent tal-UE tal-15 ta’ Marzu 2010, li essenzjalment tappoġġja l-Alternattiva 4. Iżda, jixtieq iwassal twissija – l-istess bħalma għamel fl-2010 – li mhux lakemm nindirizzaw l-aġenda: għandhom jinġibdu wkoll ċerti konklużjonijiet. Inkella, dan l-għan il-ġdid jiġrilu l-istess bħalma ġralu l-għan tal-2001.

4.3

Madanakollu l-Kumitat iqis li mhuwiex biżżejjed li huwa “biss” il-Kunsill dwar l-Ambjent li qed iħares lejn din il-kwistjoni u jitlob li l-Kunsilli l-oħra kkonċernati jittrattaw is-suġġett ukoll. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tagħmilha ċara ħafna li maġenb id-dimensjonijiet ambjentali u etiċi, it-telf tal-bijodiversità għandu wkoll dimensjoni ekonomika. Għalhekk, il-KESE jixtieq li fuq kollox il-Ministri tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji wkoll jagħtu ħarsa lejn din il-problema, u li jiġu kkalkulati r-riżorsi finanzjarji li għandhom jiġu allokati lill-baġits u li jiġu identifikati l-bidliet ekonomiċi u politiki l-oħra li huma meħtieġa.

4.4

Il-Kumitat huwa partikolarment iddiżappuntat li l-Kunsill Ewropew, għall-kuntrarju tal-2001, ma bagħat l-ebda sinjal ġenwin. Fl-Istrateġija l-ġdida UE 2020, li suppost trid tippromovi “Ewropa ħadra”, it-termini “bijodiversità”, “ħabitats”, “ħarsien tal-ambjent naturali”, “ħarsien tal-ispeċijiet” u “ħarsien tad-diversità tar-riżorsi ġenetiċi” ma jidhru lanqas darba. Il-kelma “bijodiversità” tidher biss darbtejn, u tissemma ta’ malajr, taħt it-titlu tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Saħansitra fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2010, din il-kwistjoni ċentrali ma ngħatatx kapitlu għaliha. Id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent tal-15 ta’ Marzu hija kkonfermata biss b’rabta mal-kwistjonijiet dwar il-politika tal-klima.

4.5

Jidher b’mod ċar li l-importanza taż-żamma tal-bijodiversità għadha mhijiex fuq quddiem tad-diskussjoni u l-azzjoni politika. Dan huwa sinjal diżastruż u inaċċettabbli li qed jintbagħat lill-pubbliku Ewropew, li min-naħa tiegħu diġà juri nuqqas kbir ta’ fehim u ta’ rieda li jieħu azzjoni.

4.6

F’din l-istrateġija l-ġdida fil-qasam tal-bijodiversità, ir-responsabbiltajiet għandhom jiġu definiti b’mod aktar ċar, eż. ir-relazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, u bejn id-dinja tan-negozju, l-assoċjazzjonijiet u s-soċjetà, iżda wkoll fi ħdan id-dipartimenti tal-Kummissjoni.

4.7

Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni Ewropea li l-bijodiversità hija kompitu interdixxiplinari u transsettorjali. Għal din ir-raġuni, l-istrateġija l-ġdida għall-bijodiversità għandha: 1) tkun parti vinkolanti mill-Istrateġija UE 2020 u 2) tiġi diskussa, tittieħed bis-serjetà mid-dipartimenti tal-Kummissjoni kollha u tiġi ssorveljata bir-reqqa meħtieġa, pereżempju anke minn dawk tal-biedja, l-enerġija u t-trasport. Bl-adozzjoni tal-istrateġija UE 2020, inkluż approċċ integrat għall-bijodiversità, id-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni jridu jwiegħdu li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħha. Dan jinkludi l-evalwazzjoni tal-programmi ta’ appoġġ u r-regoli tagħhom għall-konformità mar-rekwiżiti tal-ħarsien tal-ambjent naturali, u li dawn jiġu adattati skont ir-riżultati li joħorġu.

4.8

Għalhekk il-KESE jistenna li matul il-ħarifa tal-2010 il-Kummissjoni tippubblika lista dettaljata ta’ dawk l-oqsma ta’ politika fejn hemm in-nuqqasijiet fl-integrazzjoni tal-miri tal-bijodiversità, li hemm referenza għalihom biss vagament fil-Komunikazzjoni. Għandu jiġi stabbilit ukoll għalfejn l-istrateġija dwar il-bijodiversità tal-2006, li wara kollox kienet tinkludi madwar 160 miżura ta’ diversi tipi, ma rnexxietx.

4.9

L-approċċ il-ġdid favur il-bijodiversità żviluppat fuq din il-bażi għandu jgħid biċ-ċar liema strumenti u tibdiliet politiċi huma meħtieġa sabiex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet analizzati.

4.10

Għalhekk ir-riforma li ġejja tal-baġit u d-direzzjoni l-ġdida li se tingħata lill-PAK u lill-Politika Komuni tas-Sajd u lill-Fondi Strutturali sa ċertu punt ser ikunu test tal-politika tal-bijodiversità tal-UE, kemm f’termini tal-integrazzjoni tagħha f’oqsma ta’ politika oħrajn, li ilha mixtieqa snin sħaħ, kif ukoll għall-iffinanzjar neċessarju (in-nefqa tal-UE għaż-żamma tal-bijodiversità hija ta’ 0.1 % tal-baġit. Min-naħa l-oħra, hemm ħafna tipi ta’ nfiq li għandhom impatt negattiv fuq il-bijodiversità).

4.11

F’dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għar-rwol deċiżiv li taqdi l-agrikoltura fiż-żamma tal-bijodiversità. Proporzjon kbir mill-bijodiversità għandu l-għeruq tiegħu f’tipi ta’ agrikoltura tradizzjonali, li llum il-ġurnata m’għadhomx jintużaw, l-aktar minħabba raġunijiet ekonomiċi.

4.12

Għalhekk, hemm bżonn li jinstabu modi ġodda biex għal darb’oħra jinstab bilanċ bejn l-agrikoltura u l-konservazzjoni tal-ispeċijiet. Kien hemm żviluppi pożittivi f’ċerti Stati Membri, li għandhom jiġu evalwati u żviluppati fuq skala wiesgħa. Il-bdiewa għandhom jingħataw inċentivi biex jipprovdu s-servizzi kkonċernati (3).

4.13

Il-ħarsien tal-bijodiversità marittima saret kwistjoni ta’ importanza partikolari. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, l-għarfien ta’ kwistjonijiet marbuta mal-ekoloġija tal-baħar huwa baxx u ftit li xejn issir pressjoni fuq il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet responsabbli għall-ħarsien tal-ambjent marittimu. L-effikaċja tas-sistemi attwali għall-ħarsien tar-riżorsi tal-baħar għandha tiġi evalwata u għandhom isiru sforzi bil-għan li l-ħarsien tagħhom jingħata prijorità akbar fil-programmi edukattivi u fil-ġestjoni tal-ekonomija.

4.14

Il-Kumitat jistenna li l-Unjoni Ewropea tħejji ruħha sew għall-Għaxar Konferenza tal-Firmatarji tal-Konvenzjoni dwar il-Diversità Bijoloġika u tagħti kontribut sinifikanti għall-Pjan Strateġiku l-ġdid għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika wara l-2010.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Jidher ċar li l-liġijiet, regolamenti u miżuri eżistenti mhumiex biżżejjed biex tiġi żgurata l-bijodiversità, jew fi kliem ieħor: it-telf tal-bijodiversità mhux qed jiġri b’riżultat ta’ ksur permanenti ta’ liġijiet eżistenti, iżda, wieħed jista’ jgħid, fi ħdan il-qafas ta’ dawn il-liġijiet. Meta jsiru azzjonijiet b’mod li jiġi ppriservat l-ambjent, dan ta’ sikwit ikun ta’ żvantaġġ kompetittiv. Minkejja li r-rilevanza ekonomika tal-bijodiversità qed tiġi diskussa dejjem aktar fiċ-ċirkoli speċjalizzati, l-importanza tagħha għadha mhijiex aċċettata u rikonoxxuta b’mod sħiħ. Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni u l-Kunsill jagħtu attenzjoni speċjali lil din is-sitwazzjoni u jiżviluppaw mod kif jindirizzawha. L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, li tissemma ta’ spiss, iżda li għadha fil-fażi inizjali, tista’ tkun ta’ għajnuna.

5.2

Iż-żamma tal-bijodiversità għandha taqdi rwol akbar, b’mod partikolari fil-PAK Bir-riforma tal-politika agrikola tal-2013, il-kriterji għaż-żamma tal-bijodiversità għandu jkollhom sehem kbir fil-PAK, bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-kunflitt attwali bejn il-produzzjoni ekonomika u l-konsevazzjoni tan-natura.

5.3

Il-kunċett ta’ “infrastruttura ħadra” ippreżentat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi żviluppat b’ċerta ħeġġa. Biex jinkisbu l-miri tal-bijodiversità, hemm bżonn mhux biss ta’ sistema ta’ żoni protetti individwali, tat-tip li qed jiġu żviluppati bħalissa man-netwerk NATURA 2000, iżda anke sistema lineari Ewropea ta’ bijotipi magħqudin jew, f’termini tal-UE, netwerk trans-Ewropew fil-qasam tan-natura li jista’ jinkludi:

kurituri għal speċijiet migratorji terrestri bħal-lupu, il-linċi, l-ors u l-qattus salvaġġ, eż. tat-tip lineari għal speċijiet li jgħixu fil-foresta,

li jkun hemm konnessjoni bejn il-limitu tal-ilma u l-bijotipi tal-artijiet mistagħdra (wetlands) fl-ambitu tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, li jkun utli għal speċijiet marbuta mal-limiti tal-ilma u ż-żoni mistagħdra (strutturi ta’ artijiet miftuħin), iżda wkoll

limiti tal-għelieqi, bosketti, mergħat li fihom ħafna speċijiet (għelieqi tal-ħaxix f’livell baxx), passaġġi għal speċijiet li jgħixu f’artijiet miftuħa (b’rabta mal-appoġġ agrikolu).

5.4

Netwerk trans-Ewropew-Natura ta’ dan it-tip għandu jservi ta’ konnessjoni bejn iż-żoni ta’ NATURA 2000 u jimplimenta d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, u jkun ukoll, parzjalment, reazzjoni għat-tibdil fil-klima. Għandu jagħti wkoll l-opportunità lill-ispeċijiet tal-annimali terrestri biex jirreaġixxu għat-tibdil fil-klima permezz tal-migrazzjoni. Iżda, huwa daqstant importanti l-fatt li netwerk ta’ dan it-tip jiffaċilita wkoll l-iskambju bejn il-popolazzjonijiet ta’ speċi partikolari li s’issa kienu iżolati. Din hija kundizzjoni essenzjali biex tiġi żgurata s-sopravvivenza tagħhom.

5.5

Sabiex jinżammu u jiġu żviluppati aktar iż-żoni tan-Natura 2000, li bħalissa huwa l-għan li jinsab fil-qalba tal-politika tal-UE dwar il-bijodiversità, finalment l-UE għandha tiżviluppa faċilitajiet biżżejjed ta’ appoġġ għall-iżvilupp u l-protezzjoni ta’ dawn iż-żoni.

5.6

Bir-raġun, il-Kummissjoni tinnota t-tqassim mhux ugwali tal-bijodiversità. Hemm reġjuni li għad għandhom livell għoli ta’ bijodiversità kif ukoll oħrajn li fihom il-bijodivesità tnaqqset ferm, speċjalment minħabba azzjoni mill-bnedmin. Iżda dan m’għandux iwassalna għal konklużjonijiet żbaljati: il-miżuri politiki, inklużi l-fondi, m’għandhomx jiġu kkonċentrati esklużivament fuq iż-żoni importanti tal-bijodiversità. Ir-reġjuni b’livelli baxxi ta’ bijodiversità għandhom partikolarment bżonn ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ politika għaż-żamma u t-twaqqif mill-ġdid tas-servizzi tal-ekosistemi. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri li għad għandhom livell għoli ta’ protezzjoni jew potenzjal m’għandhomx jiġu “kkastigati”, iżda ppremjati.

5.7

Il-politiki għaż-żamma tal-bijodiversità mhumiex meħtieġa biss b’mod ġenerali. L-approċċ il-ġdid tal-UE fil-qasam tal-bijodiversità għandu jenfasizza wkoll ir-rabta pożittiva bejn il-ħarsien tal-ispeċijiet u tal-klima, u għalhekk jagħmel enfasi partikolari fuq il-protezzjoni u l-iżvilupp ta’ artijiet bassasa (marshland), artijiet mistagħdra u mergħat u fuq it-titjib tal-ekosistemi sostenibbli tal-foresti. Il-politika dwar l-użu tal-bijomassa għal finijiet ta’ enerġija m’għandux jaħdem kontra dan l-approċċ. Biex nilqgħu kontra dan, għandhom jiġu introdotti kriterji tas-sostenibbiltà, li għandhom jiġu applikati wkoll f’oqsma oħra (eż. l-għalf tal-annimali).

5.8

Il-KESE jtenni kemm se jkun importanti li jiġi żviluppat għarfien ġenwin tal-problema taż-żamma tal-bijodiversità fis-soċjetà u n-negozju. Minkejja l-programmi eżistenti u minkejja l-ħidma tal-organizzazzjonijiet ambjentali, għadna ’l bogħod minn dan.

5.9

It-terminoloġija użata fil-politiki speċjalizzati nnifisha għandha bżonn tiġi eżaminata mill-ġdid. X’jifhem iċ-ċittadin medju bit-terminu “bijodiversità”? Il-kunċetti “speċi” u“servizzi tal-ekosistemi” jfissru xi ħaġa għalih? Ħafna sondaġġi wrew injoranza tal-biża’ dwar il-proċessi ekoloġiċi. Huwa ovvju li ż-żamma tal-ambjent naturali mhijiex biss kwistjoni għall-ministri tal-ambjent; hemm ukoll rwol x’jimtela mill-politika tal-edukazzjoni biex din ixxerred l-għarfien bażiku meħtieġ.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 277, 17.11.2009, p.62, punti 1.4 u 1.5.

(2)  ĠU C 195, 18.8.2006, p. 88 u p. 96, ĠU C 161, 13.9.2007, p. 53, ĠU C 97, 28.04.2007, punt 1.3.

(3)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/155


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Green Paper dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif dwarhom fl-UE: il-Preparazzjoni tal-Foresti għat-Tibdil fil-Klima”

COM(2010) 66 finali

2011/C 48/27

Relatur: is-Sur KALLIO

Korelatur: is-Sur BURNS

Nhar is-17 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Green Paper dwar il-Protezzjoni tal-Foresti u t-Tagħrif dwarhom fl-UE: il-Preparazzjoni tal-Foresti għat-Tibdil fil-Klima

COM(2010) 66 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta’ Awwissu 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (sessjoni tal-15 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’121 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jinnota li:

l-importanza tal-foresti bħala riżorsa naturali rinnovabbli, provveditur ta’ diversi servizzi ekosistemiċi u prerekwiżit għall-benesseri tal-bniedem, hija mistennija tiżdied fid-deċennji li ġejjin;

it-tibdil fil-klima huwa mistenni wkoll jaffettwa l-funzjonijiet bażiċi tal-ekosistema, u b’hekk is-servizzi ekoloġiċi li jagħtu l-foresti;

it-tibdil fil-klima huwa mistenni jkabbar l-inċertezza u jżid il-frekwenza ta’ diversi fenomeni u riskji ambjentali li jmorru lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, pereżempju l-insetti li jeqirdu r-raba’, il-mard, in-nuqqas ta’ xita, l-għargħar, il-maltempati u n-nirien fil-foresti;

ir-rwol tal-informazzjoni aġġornata dwar il-foresti f’kuntest ta’ kondizzjonijiet fil-ġestjoni tal-forestrija u tar-riċerka fit-teħid tad-deċiżjonijiet marbuta mal-forestrija qed isir dejjem iktar importanti.

1.2

Il-KESE jisħaq li:

għandu jintuża approċċ bilanċjat meta jiġu indirizzati d-diversi funzjonijiet tal-foresti; ma tistax issir enfasi biss fuq il-protezzjoni tal-foresti;

iż-żamma tal-ekosistema u s-servizzi ekoloġiċi bbażati fuqha u l-garanzija tat-twassil ta’ beni pubbliċi oħra jeħtieġu inċentivi finanzjarji u l-għoti tal-informazzjoni lis-sidien tal-foresta u operaturi oħra, bħall-kuntratturi tal-foresti u l-utenti tal-injam, li fil-prattika huma responsabbli għad-deċiżjonijiet rigward il-foresti;

l-effetti sekondarji u multiplikaturi tat-tibdil fil-klima jistgħu jittaffew jekk ikun hemm prevenzjoni tar-riskji u tħejjija minn qabel għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi;

il-kooperazzjoni bejn l-istati u l-operaturi hija mod importanti ta’ kif jistgħu jiġu kkontrollati l-fenomeni transkonfinali u kif tista’ tittejjeb il-produzzjoni tal-informazzjoni dwar il-foresti.

1.3

Il-KESE jipproponi li r-rwol kruċjali tal-foresti u s-settur tal-forestrija f’ekonomija ekoloġika konsistenti mal-Istrateġija UE2020 għandu jitqies fid-diversi oqsma ta’ politika tal-UE kif ġej:

il-politiki tal-UE dwar il-forestrija, inklużi l-Istrateġija għall-Foresti u l-Pjan ta’ Azzjoni, għandhom jappoġġjaw il-ġestjoni u l-użu attiv tal-foresti u l-kompetittività tal-użu tal-injam u l-prodotti tal-injam li jkunu sostenibbli u jirrispettaw l-ambjent;

il-koordinazzjoni tal-attivitajiet relatati mal-forestrija ma’ setturi u politiki oħra li jaffettwawhom għandha tiġi indirizzata, fost affarijiet oħra bit-tisħiħ tar-rwol tal-Kumitat Permanenti għall-Forestrija u gruppi u kumitati konsultattivi (1) oħra fil-qasam tal-forestrija fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-attivitajiet relatati mal-forestrija fl-UE;

l-ipprezzar tad-diversi servizzi ekosistemiċi u beni pubbliċi għandhom jiġu kkunsidrati fil-politika rurali tal-UE.

1.4

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni:

tagħti l-eżempju lill-Istati Membri rigward il-koordinazzjoni ta’ kwistjonijiet marbuta mal-forestrija ma’ setturi, politiki, stati viċini u operaturi oħrajn biex jantiċipaw żviluppi futuri u l-ġestjoni tar-riskji u tal-kriżijiet;

tappoġġja l-produzzjoni ta’ informazzjoni objettiva dwar is-settur tal-forestrija, pereżempju fil-qafas tas-Sena Internazzjonali tal-Foresti fl-2011, sabiex tissaħħaħ l-aċċettazzjoni tas-settur tal-forestrija fost is-sidien tal-foresti, il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali;

tappoġġja l-ħruġ ta’ informazzjoni dwar il-karatteristiċi tal-injam u l-prodotti tal-injam, pereżempju l-vantaġġi klimatiċi tagħhom, sabiex jiġu promossi l-konsum u l-produzzjoni sostenibbli;

tikkummissjona studju dwar id-diversi operaturi involuti fil-ġbir tal-informazzjoni dwar il-foresti u l-informazzjoni li huma jiġbru;

tiżviluppa sistemi ta’ informazzjoni u ppjanar tal-foresti, kif ukoll prattika tajba bbażata fuq dawn is-sistemi, fi sħubija mal-pjattaforma tat-teknoloġija tas-settur tal-forestrija, iċ-ċentri tar-riċerka, l-organizzazzjonijiet nazzjonali u d-diversi operaturi fis-settur tal-forestrija, sabiex tgħinhom jidentifikaw u jirreaġixxu għal bidliet mhux mistennija, bħad-diżastri;

tipprovdi iktar appoġġ lill-Istati Membri u operaturi oħra fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-forestrija sostenibbli, u fil-produzzjoni tal-informazzjoni neċessarja għal dan u fl-armonizzazzjoni tal-ħruġ tal-informazzjoni.

2.   Sfond u objettiv tal-opinjoni

2.1

L-għan ta’ din il-Green Paper huwa li tħeġġeġ dibattitu pubbliku pan-Ewropew u li twassal għal fehmiet dwar il-futur tal-protezzjoni tal-foresti u l-politika tal-informazzjoni, kif ukoll li tipprovdi elementi għal aġġornament potenzjali tal-Istrateġija tal-UE għall-Forestrija, speċjalment fir-rigward tal-kwistjonijiet klimatiċi. Il-kwistjonijiet li tqajmu fil-Green Paper jagħtu segwitu lill-White Paper preċedenti tal-Kummissjoni L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni  (2).

2.2

Il-Green Paper tispjega s-sitwazzjoni ġenerali u l-importanza tal-foresti tal-UE, filwaqt li tippreżenta l-karatteristiċi u l-funzjonijiet speċifiċi tagħhom u tidentifika l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw. Hija teżamina wkoll it-theddid mit-tibdil fil-klima għall-funzjonament tal-foresti u tiddeskrivi l-istrumenti disponibbli għall-protezzjoni tagħhom u s-sistemi ta’ informazzjoni dwarhom.

2.3

Il-kompetenza fi kwistjonijiet relatati mal-politika tal-foresti tinsab l-ewwel nett f’idejn l-Istati Membri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Il-kompitu ewlieni tal-UE huwa li tikkontribwixxi valur miżjud għall-proġetti u l-programmi nazzjonali tal-forestrija, billi pereżempju ssaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-Istati Membri dwar l-isfidi futuri u tressaq rakkomandazzjonijiet għal intervenzjoni f’waqtha fil-livell tal-UE.

2.4

Ir-riflessjonijiet f’din l-opinjoni jiffokaw fuq kif it-tibdil fil-klima ser ibiddel il-forestrija u l-protezzjoni tal-foresti fl-Ewropa u kif il-politiki tal-UE għandhom jiġu żviluppati b’tali mod li l-inizjattivi tal-forestrija fl-Istati Membri jiġu appoġġjati aħjar. L-opinjoni teżamina wkoll il-mod kif l-UE tista’ tiffaċilita l-ġestjoni ta’ sfidi futuri u liema informazzjoni ser tinħtieġ. F’dan il-kuntest, l-għan tal-protezzjoni tal-foresti tal-UE għandu jkun li jiżgura li fil-ġejjieni l-foresti jkomplu jaqdu l-funzjonijiet produttivi, soċjoekonomiċi u ambjentali kollha tagħhom.

3.   Iż-żamma, l-ibbilanċjar u t-tisħiħ tad-diversi funzjonijiet tal-forestrija (mistoqsija 1)

3.1

Il-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti jagħrfu l-importanza tal-foresti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (3) u ż-żamma tal-bijodiversità (4). Fil-livell pan-Ewropew, u b’konformità mal-Istrateġija tal-Forestrija tal-UE, l-Istati Membri tal-UE ħadu l-impenn li jieħdu approċċ li jibbilanċja d-diversi funzjonijiet tal-forestrija fuq il-bażi tal-ġestjoni sostenibbli tal-forestrija u l-multifunzjonalità (5). Fil-livell tal-UE, id-diversi funzjonijiet tal-foresti ġew ikkunsidrati fl-Istrateġija tal-UE għall-Forestrija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Foresti, kif ukoll fil-komunikazzjoni dwar l-industriji relatati mal-foresti (6). Fil-livell nazzjonali u reġjonali, il-funzjonijiet tal-foresti jiġu ġestiti, fost oħrajn, permezz ta’ programmi tal-foresti. B’hekk, il-politika qafas tas-settur tal-forestrija b’mod effettiv tappoġġja ż-żamma, l-ibbilanċjar u t-tisħiħ tad-diversi funzjonijiet tal-foresti. Iżda hemm bżonn li jsiru iktar sforzi biex l-attivitajiet relatati mal-forestrija jiġu kkoordinati ma’ setturi u politiki oħrajn li jaffettwawhom. Pereżempju, il-Kumitat Permanenti tal-Forestrija, gruppi u kumitati konsultattivi oħra għall-kwistjonijiet marbuta mal-foresti (7) u l-Grupp tas-Servizzi Interni għall-Forestrija tal-Kummissjoni għandhom il-potenzjal li jwettqu dan. Għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Kumitat Permanenti tal-Forestrija fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-forestrija fl-UE. Anke fil-livell nazzjonali għandu jkun hemm koordinazzjoni iktar effiċjenti bejn is-setturi fil-kwistjonijiet tal-forestrija. L-eżempju li tagħti l-Kummissjoni billi tfittex approċċ transsettorjali li jħares ’il quddiem huwa importanti għall-operaturi nazzjonali.

3.2

L-importanza tal-foresti bħala riżorsa naturali rinnovabbli, provveditur ta’ diversi servizzi ekosistemiċi u prerekwiżit għall-benesseri tal-bniedem hija mistennija tiżdied fid-deċennji li ġejjin. Pereżempju, konsumaturi responsabbli (8) diġà jirrappreżentaw sehem sostanzjali tas-suq f’bosta pajjiżi Ewropej. L-użu diversifikat u sostenibbli tal-foresti u l-prodotti u s-servizzi tal-foresti, u l-ġestjoni meħtieġa biex dan jiġi appoġġjat, joħolqu impjiegi, dħul u prosperità f’diversi livelli f’ħafna żoni. Kemm il-foresti u l-industriji tal-forestrija, kif ukoll il-produzzjoni tal-injam, tal-prodotti tal-foresti minbarra l-injam u t-turiżmu tal-foresti, huma partikolarment importanti għall-komunitajiet lokali. Huwa importanti, b’konformità mal-Istrateġija UE2020, li jiġu ggarantiti kondizzjonijiet ta’ ħidma adegwati għas-sidien tal-foresti, il-kuntratturi u l-industrija tal-ipproċessar tal-injam għax il-kompetizzjoni dejjem qed tiżdied għall-art disponibbli għall-produzzjoni tal-injam u għall-injam li jintuża fil-prodotti proċessati u għall-produzzjoni tal-enerġija. Ir-rwol tal-ħiliet tal-informazzjoni qed isir importanti wkoll. Fl-2011, is-Sena Internazzjonali tal-Foresti, toffri opportunità biex tittejjeb l-aċċettazzjoni tas-settur tal-forestrija fost il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali, u biex jiġu appoġġjati l-iżvilupp u l-produzzjoni sostenibbli, billi jiġu enfasizzati l-vantaġġi tal-injam u l-prodotti tal-injam biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima (pereżempju l-ħżin tal-karbonju, konsum inerenti tal-enerġija baxx, l-effiċjenza termali, eċċ.) meta mqabbla ma’ materjali oħra.

3.3

Il-protezzjoni tal-foresti u l-attivitajiet ta’ konservazzjoni b’dimensjoni ambjentali tradizzjonalment kienu ggarantiti bis-saħħa ta’ objettivi strateġiċi u r-regoli, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet imfassla biex jinkisbu dawn l-għanijiet. Tul dawn l-aħħar snin, ir-responsabbiltà għas-servizzi ekosistemiċi u beni pubbliċi oħra nqalbet dejjem iktar lejn is-sidien tal-foresti u l-kuntratturi. Sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet ambjentali, l-operaturi jeħtieġu għarfien u informazzjoni ġdida dwar id-diversi għażliet ta’ intervenzjoni, bħall-proġetti konġunti biex tittejjeb il-kosteffettività, kif ukoll inċentivi finanzjarji oħrajn. L-isfidi jinkludu l-allokazzjoni ta’ valur ekonomiku lill-protezzjoni tal-bijodiversità u l-baċini tax-xmajjar, l-użu tal-ambjent għal finijiet ta’ divertiment jew il-ħżin tal-karbonju.

3.4

Il-foresti u l-prodotti tal-injam għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fir-regolazzjoni tal-klima. Il-kapaċità tagħhom li jaħżnu l-karbonju hija ta’ importanza partikolari. Il-prodotti tal-injam jistgħu jintużaw biex jissostitwixxu l-prodotti li jinħarġu minn materjali oħra li huma inqas effettivi biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Pereżempju, il-prodotti tal-injam użati fil-bini, fit-tagħmir ta’ ġewwa u l-għamara jipprovdu ħażna ta’ karbonju (carbon sink) fuq perijodu relattivament twil. Sa ċertu punt, il-bijoenerġija mill-injam tista’ tintuża wkoll biex tissostitwixxi l-enerġija mill-karburanti fossili. Bħala parti mill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-miri u l-istrumenti ta’ politika jistgħu jintużaw biex jipprovdu inċentivi għall-użu ta’ materjal li jirrispetta l-ambjent, bħall-injam u l-prodotti tal-injam.

3.5

F’dawn l-aħħar snin, il-ħsara wiesgħa mill-maltemp u n-nirien tal-foresti wasslet ukoll għal iktar diskussjonijiet dwar l-impatt tat-tibdil fil-klima u l-ekosistema tal-foresta u konsegwentement dwar l-attivitajiet tal-forestrija. L-importanza tal-foresti fir-regolazzjoni lokali u reġjonali tal-klima u l-ħamrija tvarja minn post għal ieħor. Is-sensibilizzazzjoni dwar dan ir-rwol kruċjali żdiedet tul dawn l-aħħar snin, hekk kif żdiedu wkoll il-fehim dwar iċ-ċiklu tal-ilma u l-esperjenza bil-problemi tar-reġjuni niexfa.

4.   L-effetti tat-tibdil fil-klima fuq il-foresti u s-settur tal-forestrija (mistoqsija 2)

4.1

It-tibdil fil-klima huwa mistenni jkabbar l-inċertezza u jżid ir-riskju ta’ diversi impatti ambjentali, pereżempju l-insetti li jeqirdu r-raba’, il-mard, in-nuqqas ta’ xita, l-għargħar, il-maltempati u n-nirien fil-foresti. Sfida oħra tinħoloq mill-globalizzazzjoni u t-trasport relatat tal-prodotti tal-injam u l-materjal għar-riproduzzjoni tal-foresti, li jħaffef, pereżempju t-tifrix tal-insetti ’l barra miż-żona naturali tagħhom. Jekk ir-riskji ambjentali li jaffettwaw lill-foresti u lis-settur tal-forestrija jsiru realtà, ser ikun hemm ħafna konsegwenzi soċjali u ekonomiċi. L-effetti ekonomiċi jistgħu jkunu dovuti għall-bidliet fil-valur tal-assi u fil-kondizzjonijiet ta’ ħidma tal-kumpaniji. L-effetti soċjali jistgħu jkunu diretti, bħat-tibdil fil-kondizzjonijiet tal-għajxien li jinħolqu mill-ħsara lill-foresta, jew indiretti, bħall-effetti sekondarji soċjali mill-bidliet fis-sitwazzjoni ekonomika tal-operaturi fiż-żona affettwata. Il-ħeffa li biha jinħolqu r-riskji ambjentali ġġib magħha sfidi partikolari, pereżempju fis-swieq u l-loġistika. Hemm bżonn iktar informazzjoni dwar l-effetti potenzjali sabiex titnaqqas l-inċertezza u jiġi ġestit ir-riskju fil-kuntest tat-tibdil fil-klima.

4.2

Minħabba l-abbundanza ta’ riżorsi u l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-foresta huwa possibbli li l-foresti tal-Ewropa jadattaw għal diversi bidliet. Madankollu, jeżistu differenzi reġjonali sostanzjali fl-Ewropa minħabba d-differenzi fl-ambjent naturali u fatturi soċjali. Pereżempju, ir-riskju ta’ nirien fil-foresti fir-reġjuni niexfa tal-Mediterran huwa mistenni jiżdied b’mod konsiderevoli minħabba l-impatt konġunt tat-tibdil fil-klima u l-attività umana. Jekk in-nixfa tiżdied f’inħawi oħra tal-Ewropa, iż-żoni fejn hemm ħafna siġar tal-arżnu jistgħu jbatu. Jekk ix-xitwa ssir iktar sħuna u mingħajr ġlata f’wiċċ l-art, il-loġistika tal-qtugħ tal-injam issir sfida ikbar. Ir-riskju ta’ ħsara fungali u mill-insetti qed jikber ukoll. F’żoni fejn l-isfruttament tal-potenzjal ta’ qtugħ naqas, jista’ jkun hemm ħsara mill-maltemp u konsegwentement mill-insetti. L-implikazzjonijiet ekonomiċi għas-sidien tal-foresti u l-ekonomiji lokali jistgħu jkunu sostanzjali, u d-diversità tal-foresti tista’ tiddeterjora. Ambjent ta’ negozju li jinbidel jista’ jwassal għal bidliet fil-vantaġġ relattiv tar-reġjuni differenti u b’hekk fit-tqassim tax-xogħol bejn ir-reġjuni u fis-soċjetà.

4.3

L-effetti sekondarji dannużi tat-tibdil fil-klima jistgħu jiġu evitati bis-saħħa ta’ pjan ta’ kontinġenza. Il-previżjoni sistematika hija utli kemm biex jiġu evitati effetti mhux mixtieqa kif ukoll biex jiġu antiċipati l-bidliet mhux mistennija u d-diżastri naturali. It-tfassil ta’ miżuri ta’ aġġustament u prevenzjoni ibbażati fuq il-previżjoni fil-livelli differenti qed isir dejjem iktar importanti. Huwa importanti wkoll li l-politiki u l-korpi tal-UE relatati mal-foresti, bħall-pjattaforma tat-teknoloġija tas-settur tal-forestrija, jappoġġjaw b’mod attiv il-ġestjoni u l-użu tal-foresti u jtejbu l-kompetittività u l-użu sostenibbli ta’ materjali “li jirrispettaw il-klima” bħall-injam.

4.4

L-effetti sekondarji u multiplikaturi tat-tibdil fil-klima jistgħu jittaffew bit-tħejjija minn qabel għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi, pereżempju billi jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ rispons bħal pjani ta’ ġestjoni tal-kriżi, tagħmir u prattika tajba. F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, huwa importanti b’mod partikolari li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-impjiegi.

5.   Strumenti disponibbli għall-protezzjoni tal-foresti (mistoqsija 3)

5.1

Hemm bażi legali soda u varjetà ta’ strumenti għall-protezzjoni tal-foresta, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE. Minbarra l-protezzjoni tas-sit tradizzjonali, qed jintużaw diversi restrizzjonijiet maniġerjali jew rekwiżiti għall-għoti tal-permessi. Il-problema tas-settur tal-forestrija hija li r-regoli u l-istrumenti huma fframmentati, u dan joħloq irduppjar u nuqqas ta’ qbil potenzjali.

5.2

Il-miżuri ta’ protezzjoni bbażati fuq mekkaniżmi volontarji wrew li huma kosteffettivi, speċjalment fil-każ ta’ impriżi żgħar tal-forestrija. Iżda l-implimentazzjoni ta’ dawn l-approċċi tfisser li l-ħiliet u t-tagħrif jiġu ttrasferiti lis-sidien tal-foresti u li l-ispejjeż tal-attività volontarja tal-protezzjoni u t-telf tad-dħul ikollhom jiġu koperti kompletament.

5.3

L-ikbar inċertezza bħalissa hija d-diversità tal-foresti barra miż-żoni protetti, billi m’hemmx biżżejjed tagħrif dwarhom. Barra minn hekk, il-miri għaż-żieda fl-użu tal-bijomassa għall-enerġija rinnovabbli jistgħu jkollhom implikazzjonijiet għall-ġestjoni tal-foresti u t-tnaqqis tal-prezzijiet, u b’hekk għad-diversità wkoll.

6.   Il-ġestjoni u l-użu tal-foresti (mistoqsija 4)

6.1

Is-settur tal-forestrija fl-Ewropa tipikament ikollu perijodu ta’ rotazzjoni twil, b’tali mod li, pereżempju, l-impatt tat-tekniki l-ġodda tal-ġestjoni tal-foresti jsir ċar biss wara għadd ta’ deċennji. Il-kondizzjonijiet soċjali u ekonomiċi b’hekk qed iżidu d-domanda għat-tekniki ġodda tas-silvikultura u tal-ħsad fil-foresti kummerċjali, bħall-kultivazzjoni tal-injam għall-enerġija b’rotazzjoni qasira jew it-tnaqqis tad-densità fil-foresti maturi. Il-kondizzjonijiet ekoloġiċi stess, bħat-tibdil fil-klima jistgħu jsaħħu l-impatt ambjentali tat-tekniki ġodda għall-ġestjoni tal-foresti. L-istat tal-foresti u l-bidliet li qed isirulhom qed jiġu mmonitorjati kontinwament fil-kuntest tal-adattament tal-ġestjoni tal-foresti, sabiex din tittejjeb kemm ikun hemm bżonn biex tindirizza l-objettivi aħjar. Id-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni u l-użu tal-foresta jittieħdu mis-sidien tal-foresta, li għalhekk ikunu jeħtieġu l-informazzjoni dwar l-għażliet maniġerjali disponibbli u l-impatti potenzjali tagħhom. L-ippjanar tal-foresti mis-sidien tagħhom huwa waħda mill-possibbiltajiet biex isir pass ’il quddiem.

6.2

Mod kif jistgħu jiġu appoġġjati l-isforzi għall-preservazzjoni tad-diversità tal-ġabra ġenetika (gene pool) tal-materjal riproduttiv tal-foresta biex jiġi żgurat l-adattament tagħha għat-tibdil fil-klima huwa li s-sistema tal-kriterji u l-indikaturi tiġi adattata għall-forestrija sostenibbli għal dan il-għan.

7.   Kemm hija adegwata l-informazzjoni dwar il-foresti (mistoqsija 5)

7.1

Il-ħruġ ta’ tagħrif dwar il-foresti tal-Ewropa huwa maqsum bejn tliet atturi prinċipali:

il-Kummissjoni u l-aġenziji tagħha u l-proġetti ffinanzjati minnhom;

il-korpi nazzjonali tar-riċerka u l-istatistika;

il-kumpaniji u l-operaturi fis-settur tal-forestrija.

7.2

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri ġeneralment għandhom il-kompetenza fil-kwistjonijiet li jikkonċernawhom, u r-rwol tal-UE huwa li tipprovdi valur miżjud bis-saħħa tal-azzjoni konġunta. Il-korpi nazzjonali tar-riċerka u l-istatistika bħall-inventorji pubbliċi tal-foresti u l-uffiċċji tal-istatistika jiġġestixxu l-produzzjoni tal-informazzjoni dwar il-foresti meħtieġa għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-politika tal-forestrija. L-informazzjoni attwali tal-UE dwar il-foresti tkopri l-kondizzjoni tal-foresti, u f’xi każijiet, il-produzzjoni u l-użu aħħari tal-injam, bħal data dwar prodotti tal-injam. Dawn il-korpi nazzjonali għandhom ukoll responsabbiltajiet relatati mal-istatistika internazzjonali. L-Eurostat huwa nkarigat mill-istatistika tal-UE dwar ir-riżorsi tal-foresti u l-istatistika tal-produzzjoni tal-injam u l-kontribut tal-UE għall-istatistika globali, bħall-kompilazzjoni u l-armonizzazzjoni tad-data nazzjonali (9). Il-Kummissjoni appoġġjat ukoll il-korpi nazzjonali fl-armonizzazzjoni tad-data tagħhom fil-kuntest tal-kumitati internazzjonali (10). Kemm ir-rekwiżiti tal-istatistika armonizzata kif ukoll id-differenzi nazzjonali u reġjonali fil-kontenut tal-informazzjoni bħall-indikaturi tad-diversità għandhom jiġu kkunsidrati meta tiġi standardizzata l-istatistika. Il-Kummissjoni ħolqot sistemi ta’ monitoraġġ għall-fenomeni b’impatt transkonfinali bħas-saħħa tal-foresti (11) u n-nirien fil-foresti (12), kif ukoll sistemi konġunti Ewropej għat-tagħrif u l-komunikazzjoni (13).

7.3

Is-sidien tal-foresti u partijiet oħra interessati fis-settur tal-forestrija ġeneralment jiksbu t-tagħrif dwar l-attivitajiet tagħhom, jew li huma jappoġġjaw, mill-organizzazzjonijiet nazzjonali tar-riċerka u l-istatistika jew mis-settur privat. Is-sidien tal-foresti u operaturi oħra fis-settur tal-forestrija jipproduċu u jaħżnu t-tagħrif fis-sistemi ta’ informazzjoni tagħhom li jaħdmu f’ħin reali. L-informazzjoni aġġornata dwar il-foresti qed issir dejjem iktar importanti f’kuntest ta’ kondizzjonijiet kummerċjali li qed jinbidlu u aġġustamenti fil-ġestjoni tal-forestrija.

7.4

L-Istati Membri jvarjaw fir-rigward ta’ kemm ikun sħiħ, preċiż u aġġornat it-tagħrif tagħhom dwar il-foresti. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jistgħu joħorġu l-informazzjoni dwar il-volum ta’ siġar ħajjin (standing volume) fil-foresti tagħhom kważi kull sena fil-livell nazzjonali. Xi wħud mill-korpi nazzjonali jistgħu jipprovdu wkoll rapporti annwali dettaljati u affidabbli dwar is-saħħa u l-kondizzjonijiet tal-foresti nazzjonali, il-kapaċità ta’ produzzjoni, il-bilanċ tal-karbonju, il-funzjonijiet protettivi tal-foresti u s-servizzi u l-vijabbiltà tal-foresti ta’ pajjiżhom (14). F’xi pajjiżi tal-UE, in-nuqqasijiet jippersistu fir-rigward tal-kontenut u l-preċiżjoni u l-aġġornament tal-informazzjoni. Bil-għan li tiġi standardizzata l-istatistika internazzjonali, il-Kummissjoni qed tiffinanzja l-proġetti u n-netwerks ta’ kooperazzjoni għar-riċerka u l-iżvilupp (15). Il-lakuni prinċipali f’termini ta’ protezzjoni tal-foresti u t-tibdil fil-klima huma d-diversità fil-foresti barra miż-żoni protetti, l-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-bijoenerġija, l-istokkijiet u l-ħażniet (sinks) tal-karbonju, inklużi l-prodotti tal-injam, u s-sejba rapida taż-żoni li tkun saritilhom il-ħsara. L-appoġġ għall-operaturi nazzjonali u l-armonizzazzjoni tiegħu għandhom jissaħħu.

7.5

L-isfida biex tinħareġ informazzjoni armonizzata dwar il-foresti fil-livell tal-UE tinsab fl-għadd kbir ta’ operaturi involuti fil-ġbir tad-data. Għalhekk, huwa importanti li jitwettaq studju komprensiv li jiċċara min qed jiġbor id-data u liema data qed tinġabar.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Il-Grupp Konsultattitv dwar il-Foresti u s-Sufra, il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Politika Komunitarja dwar l-Industrija tal-Forestrija u l-Industrija relatati mal-Forestrija; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/837/KE tad-9.12.1997 li temenda d-Deċiżjoni 83/247/KEE, ĠU L 346, 17.12.1997, p. 95-96.

(2)  COM(2009) 147 finali.

(3)  Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima (UNFCCC).

(4)  Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD).

(5)  Forest Europe, Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa (MCPFE).

(6)  COM(2008) 113 finali.

(7)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(8)  Lifestyles of Health and Sustainability (LOHAS).

(9)  Pereżempju, il-Joint Forest Sector Questionnaire (JFSQ) ta’ kull sena, b’kooperazzjoni mal-FAO, l-ITTO u l-UNECE.

(10)  Pereżempju, COST E43 (Harmonisation of National Forest Inventories in Europe: Techniques for Common Reporting).

(11)  Forest Focus Community Scheme 2003-2006/7.

(12)  European Forest Fire Information System (EFFIS).

(13)  European Forest Data Centre (EFDAC) u European Forest Information and Communication Platform (EFICP)).

(14)  Forest Europe jew il-kontribut reġjonali għall-analiżi tar-riżorsi globali tal-foresti (GFRA).

(15)  FUTMON, proġett kofinanzjat minn LIFE+ għall-Iżvilupp u l-Implimentazzjoni ta’ Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Foresti fil-livell tal-UE; kuntratt qafas tal-JRC għall-Pjattaforma E-Foresta; in-netwerk COST, Improving Data and Information on the Potential Supply of Wood Resources: A European Approach from Multisource National Forest Inventories (USEWOOD).


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/160


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (EURATOM) li jistabbilixxi livelli massimi permissibli ta’ kontaminazzjoni radjoattiva ta’ ikel u għalf wara inċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika (tfassil mill-ġdid)”

COM(2010)184 fin – 2010/0098 (CNS)

2011/C 48/28

Relatur: is-Sinjura Pirkko RAUNEMAA

Nhar is-27 ta' April 2010, b’konformità mal-Artikolu 31 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (EUROTAM) li jistabbilixxi livelli massimi permissibli ta' kontaminazzjoni radjoattiva ta' ikel u għalf wara inċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika (riformulazzjoni)

COM(2010)184 finali – 2010/0098 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Awwissu 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (seduta tal-15 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’127 voti favur, vot kontra u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Xita radjoattiva minn splużjoni nukleari dejjem ikollha effetti transkonfinali. Hija tikkawża rilaxx prolongat ta' materjal radjoattiv li jinfirex madwar distanzi kbar u b’effett fuq żoni wiesa’. Għalhekk b’inċident bħal dan inkunu qed niffaċċjaw diżastru potenzjali ta' dimensjoni internazzjonali.

1.2   Hemm bżonn ta' leġislazzjoni ċara u aġġornata li kemm l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll l-Istati Membru jkunu jistgħu japplikaw faċilment f’każ ta' xita radjoattiva. Għalhekk ir-riforma tal-leġislazzjoni fil-qasam hija adegwata u neċessarja.

1.3   Sa mill-inċident nukleari ta' Chernobyl fl-1986, il-Komunità żviluppat standards li jistabbilixxu l-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni fl-ikel u fl-għalf wara inċident nukleari (1) kif ukoll arranġament għal skambju fi stadji bikrija ta' informazzjoni fil-każ ta' emerġenza radjoloġika (2). L-aħħar reviżjoni tal-validità tal-livelli permissibbli saret fl-1995 mill-Grupp tal-Esperti skont l-Artikolu 31 tal-Euratom. Għaldaqstant, il-livelli permissibbli għandhom jerġgħu jiġu eżaminati.

1.4   L-UE ħolqot korp tal-evalwazzjoni tar-riskju; korp effettiv u rispettat fuq livell internazzjonali – l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) (Regolament (KE) 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002). L-EFSA għandha tiġi assenjata l-kompitu li tevalwa r-residwi radjoattivi fl-ikel u l-għalf u l-Kummissjoni għandha teżamina l-arranġamenti eżistenti.

1.5   Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' kontroll tal-livelli tar-radjazzjoni fl-ikel u fl-għalf, l-awtoritajiet nazzjonali tal-ikel, flimkien mal-aġenziji nazzjonali tal-protezzjoni mir-radjazzjoni, għandu jkollhom is-setgħa legali li jimmonitorjaw il-livelli massimi permissibbli u jikkontrollaw l-importazzjoni tal-ikel u l-għalf meta jinqabżu l-livell permissibbli, mingħajr ma jkollhom bżonn konfermazzjoni mill-awtorità tal-monitoraġġ tar-radjazzjoni.

1.6   Il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li, fil-qafas tal-Codex Alimentarius, li jiġbor fih l-istandards u l-linji gwida tal-Kummissjoni, jiġu stabbiliti wkoll regolamenti internazzjonali dwar ix-xita radjoattiva u l-effetti tagħha fuq l-ikel u l-għalf, u għandha tiddetermina liema istituzzjonijiet ser ikollhom ir-responsabbiltà primarja li jikkontrollaw l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fil-fruntieri tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta' inċident.

1.7   Billi l-ilma huwa wieħed mill-ingredjenti prinċipali tal-ikel u l-għalf, għandu jiġi inkluż fl-Annessi għar-Regolament. Barra minn hekk, ir-regoli għandhom japplikaw għall-ilma tax-xorb ta' kull tip, mhux biss l-ilma fl-ikel u l-għalf.

1.8   F’każ ta' inċident huwa importanti li jsir sforz sabiex tiġi influwenzata l-imġiba tan-nies u li dawn jiġu mħeġġa jagħżlu l-ikel u x-xorb li huwa sigur jew inqas perikoluż. L-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet settorjali għandhom ir-responsabbiltà li jkunu sorsi ta' gwida u li jiġġeneraw is-sensibilizzazzjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1   Sfond

2.1.1   Wara l-inċident tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Chernobyl fis-26 ta' April 1986, kwantità konsiderevoli ta' materjali radjoattivi ħarġet fl-atmosfera u kkontaminat l-ikel u l-għalf f’ħafna pajjiżi Ewropej f’livelli sinifikanti fejn tidħol saħħa.

2.1.2   Għall-ewwel darba ttieħdu miżuri fil-livell Komunitarju li jindirizzaw dawn it-tip ta' inċidenti nukleari li jikkawżaw rilaxx prolongat ta' kompożizzjonijiet radjoattivi li jinfirex madwar distanzi kbar u b’effett fuq żoni wiesgħa.

2.1.3   Kien hemm okkażjoni waħda oħra fejn il-Kumitat esprima l-fehmiet tiegħu dwar il-kontaminazzjoni radjoattiva tal-ikel u l-għalf wara inċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika (3). Madanakollu din l-opinjoni rrappreżentat biss il-fehma inizijali għax il-Kummissjoni kien għad kellha tipproponi l-livelli massimi permissibbli ta' radjoattività. Għalhekk din il-konsultazzjoni hija opportunità tajba biex permezz tagħha l-Kumitat jesprimi opinjoni iktar aġġornata dwar il-kwistjoni.

2.2   Qafas leġislattiv

2.2.1   Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) 3954/87 tat-22 ta' Diċembru 1987 jistabbilixxi l-proċedura tal-adozzjoni tal-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjoattiva fl-ikel u fl-għalf wara inċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika. Huwa ġie emendat b’mod sostanzjali matul dawn l-aħħar snin (4). Il-livelli massimi ta' “referenza” ġew stabbiliti f’Annessi separati mat-tieni emenda tar-Regolament.

2.2.2   Fejn il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni dwar inċident li seħħ jew kwalunkwe każ ieħor ta' emerġenza radjoloġika fejn il-livelli massimi permissibbli x’aktarx jistgħu jintlaħqu jew intlaħqu, hija ser tadotta Regolament li japplika dawn il-livelli massimi. Il-perijodu ta' validità ta' Regolament bħal dan għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u ma jaqbiżx it-tliet xhur.

2.2.3   Skont l-Artikolu 31 tat-Trattat Euratom, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal Regolament lill-Kunsill fi żmien xahar mill-adozzjoni u wara konsultazzjoni mal-grupp tal-esperti. Il-perijodu ta' validità għal dan it-tieni Regolament huwa limitat ukoll. Fuq perijodu twil, jiġifieri wara wara l-inċident nukleari jew emerġenza radjoloġika, strumenti jew bażi legali oħra jistgħu jintużaw sabiex jiġi kkontrollat l-ikel jew l-għalf li jitpoġġa fuq is-suq.

2.2.4   Il-livelli massimi permissibbli stabbiliti fl-Annessi tar-Regolament jistgħu jiġu riveduti jew supplimentati fid-dawl tal-opinjoni tal-esperti abbażi tal-Artikolu 31. L-aħħar reviżjoni tal-validità tal-livelli permissibbli saret fl-1995 mill-Grupp tal-Esperti skont l-Artikolu 31 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom li teħtieġ li l-Istati Membri jistipulaw livelli ta' intervent fil-każ ta' inċidenti (5).

2.2.5   Fir-rigward tal-importazzjoni, l-UE adottat miżuri li jassiguraw li l-prodotti agrikoli jidħlu biss fl-Unjoni skont arranġamenti komuni li jħarsu s-saħħa tal-popolazzjoni waqt li jżommu n-natura unifikata tas-suq u jevitaw distorsjoni tal-kummerċ.

2.2.6   Fil-każ ta' emerġenza radjoloġika, l-Istati Membri huma mitluba jiskambjaw l-informazzjoni permezz tas-sistema “Ecurie” (6). Din is-sistema titlob lill-Istati Membri li javżaw u jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri milquta jew li kapaċi jintlaqtu meta Stat Membru jiddeċiedi li jieħu miżuri mifruxa sabiex iħares lill-pubbliku ġenerali fil-każ ta’emerġenza radjoloġika. Din l-informazzjoni għandha tinkludi n-natura u l-ħin tal-każ, il-post eżatt u t-tip ta' faċilità jew attività involuta, il-kawża, l-iżvilupp imbassar u l-miżuri ta' sigurtà li ttieħdu jew li qed jiġu ppjanati, kif ukoll il-livell ta' radjoattività mkejla mill-faċilitajiet ta' monitoraġġ fl-ikel, fl-għalf, fl-ilma tax-xorb u fl-ambjent.

2.3   Id-dokument tal-Kummissjoni

2.3.1   Il-Kummissjoni bdiet il-kodifikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsull Nru 3954/87 u l-emendi suċċessivi tiegħu.

2.3.2   Madanakollu waqt il-proċedura leġislattiva, intagħraf il-fatt li dispożizzjoni li kienet tidher fil-proposta għat-test ikkodifikat tipprevedi riżerva ta' setgħat implementattivi mill-Kunsill li ma kenitx prevista fil-premessi tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87.

2.3.3   Peress li l-introduzzjoni ta' premessa ta' dan it-tip timplika bidla sostanzjali, u għalhekk tmur lil hinn minn kodifikazzjoni normali, tqies neċessarju li l-kodifikazzjoni ssir riformulazzjoni sabiex tiddaħħal fiha l-emenda neċessarja.

2.3.4   Il-klawżola addizzjonali nru 15 fil-Preambolu tal-Proposta tirreferi għall-possibbiltà li f’ċerti sitwazzjonijiet, il-Kunsill, minflok il-Kummissjoni, jista’ jadotta immedjatament miżuri modifikati fi żmien qasir ħafna u li b’hekk japplikaw il-livelli massimi permissibbli ta' kontaminazzjoni radjoattiva li kienu ġew stabbiliti qabel.

3.   Valutazzjoni

3.1   Hemm bżonn ta' leġislazzjoni ċara u aġġornata li kemm l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll l-Istati Membru jkunu jistgħu japplikaw faċilment f’każ ta' xita radjoattiva. Għalhekk riforma tal-leġislazzjoni fil-qasam hija adegwata u neċessarja. Il-probabbiltà li jseħħu inċidenti jew każijiet ta' xita radjoattiva fil-power stations nukleari jista’ jkun li qed tiżdied fl-UE fost raġunijiet oħra minħabba li l-impjanti nukleari li jeżistu huma antiki, minħabba li qed jinbnew ħafna impjanti ġodda oħra u minħabba r-riskju ta' inċidenti mhux mistennija.

3.2   Ix-xita radjoattiva kważi dejjem tinfirex ħafna u mhux neċessarjament tnaqqas fl-intesità iktar ma tmur il-bogħod. Għalhekk f’każijiet bħal dawn qed niffaċċjaw diżastru potenzjali internazzjonali fuq is-saħħa u l-ambjent.

3.3   Jekk inqabblu s-sitwazzjoni ma' dik tal-1986, l-UE issa għandha korp tal-evalwazzjoni tar-riskju effettiv u rispettat fuq livell internazzjonali, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) (Regolament(KE) 178/2002). Ir-residwi radjoattivi fl-ikel u l-għalf jistgħu jitqabblu mas-sustanzi li jikkontaminaw l-ikel. Għalhekk wieħed jistenna li l-EFSA kienet ser tingħata l-kompitu tal-valutazzjoni tas-saħħa ta' dawn ir-residwi. Madanakollu, fil-proposta l-Kummissjoni żżomm l-istess arranġamenti, f’uħud mill-każijiet arranġamenti li saru għexieren ta' snin ilu, mingħajr iktar kunsiderazzjoni jew ġustifikazzjoni.

3.4   F’każ ta' inċident huwa importanti li jsir sforz sabiex tiġi influwenzata l-imġiba tan-nies u li dawn jiġu mħeġġa jagħżlu l-ikel u x-xorb li huwa sigur jew inqas perikoluż. Barra minn hekk, matul sitwazzjoni ta' kriżi, il-produtturi agrikoli għandhom ikunu infurmati dwar il-livelli ta' kontaminazzjoni radjoattiva fl-għalf. Hawnhekk, l-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet settorjali jistgħu jaqdu r-rwol ta' gwida u jservu ta' sorsi ta' sensibilizzazzjoni.

3.5   Huwa importanti ħafna li d-dispożizzjonijiet dwar ix-xita radjoattiva u l-livelli ta' radjoattività jiġu riformulati b’tali mod li l-implimentazzjoni tagħhom fl-UE u fl-Istati Membri tkun iktar faċli u ċara.

3.6   Il-livelli massimi permissibbli ta' radjoattività għandhom ikunu adatti għall-bżonnijiet tal-gruppi tal-popolazzjoni li l-iktar li jinsabu f’periklu: għandhom japplikaw livelli iktar stretti fejn jidħol ikel tat-tfal milli għall-ikel li jiġi kkunsmat mill-popolazzjoni sħiħa.

3.7   Il-materjali radjoattivi jistgħu jsibu ruħhom fl-ilma tal-wiċċ b’riżultat ta' testijiet nukleari u l-użu tal-enerġija nukleari jew l-użu tal-materjali radjoattivi fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, l-industrija u r-riċerka. Minkejja li f’ċirkustanzi normali, l-ammonti involuti ma jkunux sinifikanti, is-sitwazzjoni tista’ tinbidel f’każ ta' inċident radjoattiv. Billi l-ilma huwa wieħed mill-ingredjenti prinċipali tal-ikel u l-għalf, ma kellux jiġi eskluż mill-Annessi tar-Regolament.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Regolament tal-Kunsill (Euratom) 3954/87 tat-22 ta' Diċembru 1987, kif emendat.

(2)  Regolament tal-Kunsill (Euratom) 87/600 tal-14 ta' Diċembru 1987.

(3)  CES 480/1987, ĠU C 180, 8.7.1987, p. 20–25.

(4)  Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) No 944/89, u Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) No 770/90.

(5)  Artikolu 50(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta' Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti.

(6)  Ara n-nota 2 ta' qiegħ il-paġna.


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/163


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru xxxx/2010 ta’ xxxx li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) rigward l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja”

COM(2010) 336 finali – 2010/0183 (COD)

2011/C 48/29

Relatur: is-Sur KIENLE

Nhar is-7 ta' Lulju 2010 u nhar it-8 ta' Lulju 2010 rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru xxxx/2010 ta' xxxx li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) rigward l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja

COM(2010) 336 finali – 2010/0183 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Awwissu 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (seduta tal-15 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'114-il vot favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jilqa' l-miżuri proposti għall-estensjoni temporanja tal-għajnuna fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja, bi skadenza finali li ma tkunx aktar tard minn tmiem l-2017, aktar u aktar billi ma ġiet osservata l-ebda distorsjoni tas-suq u l-proposta m'għandha l-ebda konsegwenza fuq il-baġit tal-Komunità.

1.2

Il-KESE jirrakkomanda li l-perijodu transitorju jintuża biex il-familji li jaħdmu fid-distillazzjoni agrikola tradizzjonali jiġu megħjuna jsibu direzzjoni ġdida għan-negozju tagħhom li tkun aċċettabbli mil-lat soċjali, u b'mod partikolari biex jiġu kkonservati l-ġonna tas-siġar tal-frott li għandhom valur ekoloġiku.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li mill-1 ta' Jannar 2018 jitneħħa l-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja għall-alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola li ilu jeżisti sa mill-1918. L-awtorità nazzjonali s'issa tagħti l-permessi għad-distillazzjoni u tistabbilixxi prezz tax-xiri li suppost ikopri l-ispejjeż tad-distilleriji.

2.2

S'issa, il-produzzjoni/il-bejgħ tal-monopolju kienu qed jitnaqqsu bil-mod il-mod:

id-distilleriji agrikoli ssiġillati, li jipproċessaw l-aktar iċ-ċereali u l-patata, iridu joħorġu mill-monopolju sa tmiem l-2013, u sa dak iż-żmien għandhom inaqqsu l-produzzjoni tagħhom bil-mod il-mod biex fi tliet snin inaqqsuha b'terz (u jgħaddu minn total ta' 540 000 hl fl-2011 għal 180 000 hl fl-2013);

id-distilleriji ż-żgħar b'restrizzjoni fuq il-bejgħ li joperaw fil-livell lokali u jipproduċu kwantitajiet żgħar ta' alkoħol mill-frott, is-sidien tal-materja prima u d-distilleriji tal-kooperattivi tal-frott jistgħu jibqgħu jipproduċu sa massimu ta' 60 000 hl fis-sena sal-aħħar tal-2017.

2.3

Il-proposta m'għandhiex implikazzjonijiet fuq il-baġit tal-Komunità.

3.   Kummenti

3.1

Il-KESE jilqa' l-pjan propost biex jintemm il-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja, b'deroga temporanja u bi tnaqqis differenzjat ta' kemm ikun permess li jiġi prodott alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola.

3.2

Fl-2008, fis-27 Stat Membru tal-UE ġew prodotti madwar 45,5 miljun hl alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola, speċjalment miċ-ċereali, pitravi taz-zokkor/għasel iswed, inbid, patata, frott u prodotti oħra. Il-produtturi prinċipali tal-alkoħol agrikolu fl-UE huma Franza (15,4 miljun hl), il-Ġermanja (5,9 miljun hl), Spanja (5,4 miljun hl) u l-Polonja (1,9 miljun hl). Fl-istess sena, l-Istati Membri tal-UE importaw madwar 13-il miljun hl alkoħol etiliku minn pajjiżi terzi. L-alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola jintuża għall-konsum mill-bniedem (fix-xorb u bħala ħall), fis-settur tal-bijokarburanti u f'applikazzjonijiet industrijali oħra. Dan l-aħħar kien hemm żieda qawwija fl-użu tiegħu mis-settur tal-karburanti.

3.3

Però, huwa biss madwar 10 % tal-alkoħol agrikolu prodott il-Ġermanja li jsir fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja u li jiġi appoġġjat mill-għajnuna nazzjonali. Skont l-aktar ċifri reċenti, 674 distillerija agrikola kkontribwixxew għall-monopolju bi produzzjoni medja ta' 800 hl. Fil-qafas tal-monopolju, il-madwar 28 000 distillerija żgħira b'restrizzjoni fuq il-bejgħ – li minnhom kull sena jkunu attivi madwar 20 000 – jistgħu jipproduċu sa massimu ta' 300 litru alkoħol.

3.4

S'issa l-monopolju tal-alkoħol ippermetta li din il-produzzjoni tradizzjonali u deċentralizzata ħafna tkompli ssir f'distilleriji agrikoli żgħar u żgħar ħafna. Però din il-produzzjoni hija importanti ħafna fil-livell reġjonali, pereżempju fl-inħawi madwar muntanji b'altitudni medja, bħall-Black Forest. Iċ-ċiklu ta' riċiklaġġ li jirrispetta l-ambjent fid-distilleriji agrikoli u l-kontribut tad-distilleriji ż-żgħar u dawk tal-frott għall-istabilizzazzjoni tad-dħul, għall-konservazzjoni tal-pajsaġġi kulturali u għaż-żamma tad-diversità bijoloġika jibbenefikaw, b'mod ġenerali, minn rikonoxximent politiku u soċjali kbir.

3.5

Il-KESE jikkunsidra li wara li jintemm il-monopolju tal-alkoħol u jiġi liberalizzat is-suq tal-alkoħol agrikolu, il-produzzjoni industrijali tal-alkoħol ma tkunx alternattiva għad-distilleriji agrikoli tradizzjonali (żgħar). Għaldaqstant, matul il-perijodu transitorju għandhom jinsabu possibbiltajiet biex, minn naħa, dawn il-familji tal-bdiewa jiġu megħjuna jsibu direzzjoni għall-ġejjieni tan-negozju tagħhom li tkun aċċettabbli mil-lat soċjali, u minn naħa oħra, biex jiġu kkonservati l-mergħat u l-ġonna tas-siġar tal-frott li għandhom valur ekoloġiku kbir.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/165


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija”

COM(2010) 283 finali – 2010/0150 (COD)

2011/C 48/30

Relatur: is-Sur BUFFETAUT

Nhar il-15 ta' Ġunju 2010, il-Parlament Ewropew u nhar it-23 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 194(1)(c) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 663/2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija

COM(2010) 283 finali – 2010/0150 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (seduta tal-15 ta' Settembru 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’133 voti favur, 2 voti kontra u astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jappoġġja l-viżjoni ġenerali tal-proposta kif ukoll l-objettivi tal-Kummissjoni. Huwa japprova b’mod partikolari l-idea li jintużaw il-fondi Ewropej biex jinħoloq effett multiplikatur sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tal-investiment fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli. Il-KESE jixtieq li t-tqassim tal-assistenza finanzjarja bejn l-assistenza teknika u s-self b’rati ta' interess inqas minn dawk tas-suq u l-garanziji bankarji tal-istituzzjonijiet finanzjarji jkun iġġustifikat aħjar. Il-KESE jixtieq ukoll li l-qasam tal-assistenza teknika jkun spjegat aħjar.

1.2   Huwa jispera li l-arranġamenti kif spjegati mill-Kummissjoni jkunu implimentati tassew: jiġifieri li l-intermedjarji finanzjarji interessati kollha jiġu awtorizzati jamministraw l-istrument finanzjarju, u li l-għażla tal-proġetti tiġi effettwata minn dawn li jamministraw il-fondi taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni.Il-KESE jixtieq li l-arranġamenti ta' ġestjoni u ta' aċċess għall-fondi jiġu ċċarati u li jkunu jistgħu jitħaddmu b’mod ċar mill-intermedjarji finanzjarji u l-organizzaturi tal-proġetti.

1.3   Madankollu l-KESE huwa tal-fehma li huwa meħtieġ jew utli li jiġu ċċarati l-punti li ġejjin:

1.3.1   Il-ħtieġa li kemm jista’ jkun malajr, minn issa sal-aħħar tal-2010, ikun magħruf l-ammont totali (jew għallinqas stima tiegħu) tal-pakkett disponibbli apparti l-EUR 114-il miljun reklamati. Maqsum bejn is-27 Stat Membru dan se jkun jirrappreżenta biss kontribut relattivament limitat. Madankollu wieħed għandu jqis l-effett ta' lieva mill-kontribut addizzjonali ta' investituri privati, u l-impuls mogħti lill-proġetti u lill-investimenti nfushom, minn meta l-fażi ta' assistenza teknika tirċievi appoġġ sostanzjali.

1.3.2   Id-definizzjoni tat-terminu “proġetti ta' effiċjenza”: l-iżolazzjoni tal-bini, pereżempju, li hija tant utli mil-lat ta' effiċjenza tal-enerġija, hija effiċjenti fuq medda twila ta' żmien mil-lat tal-iffrankar tal-enerġija, b’mod speċjali fil-każ tal-bini antik. It-terminu “proġett ta' effiċjenza” għandu jinftiehem fis-sens ta' proġett li jista’ jiġi ffinanzjat u li ma jkunx jista’ jitwettaq mingħajr għajnuna fil-livell Ewropew. It-terminu “proġett ta' effiċjenza” jista’ jiġi spjegat fir-Regolament billi jingħad li huwa “proġett li jikseb il-bilanċ finanzjarju tiegħu bl-għajnuna pprovduta mill-istrumenti Ewropej”.

1.3.3   Il-kriterji ta' eliġibbiltà:

Il-KESE jifhem, u barra minn hekk jaċċetta, li ma hemmx prijoritajiet fost is-setturi differenti kkonċernati, u li se jiġu implimentati l-kriterji tal-investiment u tar-rispett tal-objettivi Ewropej fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli. Se jkunu eliġibbli, b’mod speċjali, il-proġetti li huma relatati ma' kuntratti ta' prestazzjoni enerġetika, kif ukoll il-proġetti diġà ssussidjati mill-fondi Ewropej.; Il-KESE jenfasizza li dan l-istrument għandu l-għan li jinkoraġġixxi s-sinerġiji mal-fondi strutturali u l-fondi ta' koeżjoni;

Jekk ma tiġix stabbilita lista ta' proġetti magħżulin minn qabel (bħal fil-kuntest tar-Regolament 663/2009), il-KESE ser ikun attent għat-tqassim tal-fondi allokati bejn il-finanzjament tal-proġetti u l-assistenza teknika. Huwa tal-fehma li l-biċċa l-kbira tal-finanzjamenti għandhom ikunu allokati għall-investimenti jew għal proġetti konkreti;

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fir-regolament innifsu mhux ser ikun hemm lista ta' proġetti magħżulin minn qabel u li l-fond ser jagħżel il-proġetti fuq il-bażi tal-kriterji misjuba fir-regolament. Il-proġetti ffinanzjati ser jiġu indirizzati f’rapport;

Il-KESE jispeċifika li din l-għajnuna finanzjarja għall-proġetti ta' investiment għandha tirrispetta l-prinċipju tal-ugwaljanza tat-trattament fil-konfront tal-operatur pubbliku jew privat. Dawn il-proġetti għandhom ikunu jistgħu jitwettqu fil-qafas tas-Sħubijiet Pubbliċi Privati;

Mil-lat ġenerali, il-Kumitat jinsisti dwar il-fatt li l-kriterji tal-għoti għandhom ikunu marbuta prinċipalment mal-affidabbiltà teknika, mas-sigurtà finanzjarja tal-proġetti u mar-riżultati konkreti mistennija fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli;

Il-KESE jixtieq li l-kriterju tal-eliġibbiltà marbut mal-“miżuri li għandhom impatt rapidu, sostanzjali u li jista’ jitkejjel” jiġi spjegat aktar.

1.4   Għalkemm il-KESE jifhem għalfejn il-Kummissjoni tixtieq li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kkonċernati “ikunu impenjaw ruħhom fuq livell politiku sabiex inaqqsu it-tibdil fil-klima, inkluż miri preċiżi”, huwa jwissi kontra li jkun hemm fiduċja wisq kbira f’attitudnijiet li jissarrfu aktar fi ħsibijiet u lingwaġġ politikament korretti milli f’azzjonijiet konkreti bbażati fuq tekniki solidi u innovattivi jew ta' sistemi ta' ġestjoni effikaċi u approvati fil-qasam tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, tan-netwerks tat-tisħin jew tal-enerġija rinnovabbli.

2.   Oriġini u prinċipji tar-regolament tal-programm ta' għajnuna ekonomika permezz tal-assistenza finanzjarja Komunitarja għall-proġetti fil-qasam tal-enerġija

2.1   Il-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR) jikkonsisti f’pakkett ta' EUR 3,98 biljun. Kważi t-total kollu tal-pakkett kellu jissarraf f’impenn finanzjarju mill-2010. Madankollu, is-somma ta' EUR 114 miljun mhux se tissarraf f’impenn għall-EEPR, somma li fl-aħħar mill-aħħar tista’ tkun ogħla minn hekk fil-każ fejn uħud mill-proġetti ma jissodisfawx l-eżiġenzi legali, finanzjarji jew tekniċi mitluba.

2.2   Il-fondi mhux impenjati fl-ambitu tal-Kapitolu II tar-Regolament EEPR ser jintużaw biex jinħoloq strument finanzjarju speċifiku li jappoġġja l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-inizjattivi rinnovabbli fi ħdan il-proposta ta' finanzjament għall-enerġija sostenibbli.

3.   Prinċipji ġenerali

3.1   Dan l-istrument finanzjarju għandu jappoġġja l-iżvilupp ta' proġetti ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ta' enerġija rinnovabbli u għandu jiffaċilita l-finanzjament ta' investimenti f’dawn l-oqsma, b’mod partikolari f’kuntest urban.

3.2   Sabiex tkun imħeġġa l-promozzjoni ta' għadd kbir ta' investimenti deċentralizzati, l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli muniċipali, lokali u reġjonali se jkunu l-benefiċjarji, inkluż fil-qafas tas-sħubijiet pubbliċi privati.

3.3   Il-proġetti ta' enerġija sostenibbli li se jiġu ffinanzjati jinkludu binjiet pubbliċi u privati, produzzjoni kkumbinata ta' sħana u elettriku (CHP) u netwerks distrettwali ta' tisħin/tkessiħ, sorsi ta' enerġija rinnovabbli diċentralizzati installati fil-lokal, l-infrastrutturi ta' trasport urban u lokali nadif bħalma huma l-grids intelliġenti, sistemi effikaċi tad-dawl tat-toroq u meters intelliġenti.

4.   Kriterji tal-għażla u tal-eliġibbiltà

4.1   Il-miżuri li ser jiġu ffinanzjati għandu jkollhom impatt rapidu, sostanzjali u li jista’ jitkejjel, fuq l-irkupru ekonomiku fi ħdan l-Unjoni Ewropea, iktar sigurtà tal-enerġija u tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass b’effett ta' serra.

4.2   L-għan mixtieq hu li l-finanzjament Komunitarju jkollu effett ta' lieva b’rabta mal-kontributi l-oħra tal-awtoritajiet jew impriżi kkonċernati, u dan jiddependi, minn naħa, fuq kriterji preċiżi applikabbli għall-politiki tal-awtoritajiet pubbliċi u, minn naħa oħra, fuq il-karatteristiċi tekniċi u finanzjarji tal-proġetti.

4.3   Ir-regoli relatati mal-awtoritajiet jikkonċernaw l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-objettivi preċiżi mħabbra, in-natura tal-istrateġiji żviluppati, is-segwitu u r-reklamar tal-implimentazzjoni u r-riżultati miksuba.

4.4   Ir-regoli tekniċi u finanzjarji huma maħsuba sabiex ikun żgurat: li l-approċċ għandu bażi soda u li huwa teknikament adegwat, li l-pakkett finanzjarju huwa solidu, sa liema punt il-kontribut Ewropew jistimula s-sorsi l-oħra ta' finanzjament pubbliku u/jew privat, l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali, il-bilanċ ġeografiku tal-proġetti u l-maturità tagħhom sabiex tintlaħaq malajr il-fażi konkreta tal-investiment.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/167


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor”

COM(2010) 381 finali – 2010/0205 (CNS)

2011/C 48/31

Nhar l-4 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor

COM(2010) 381 finali – 2010/0205 (CNS).

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru 2010), b’unanimità, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/168


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 fir-rigward tal-projbizzjoni tas-selezzjoni kwalitattiva (highgrading) u r-restrizzjonijiet fuq is-sajd għall-barbun u l-barbun imperjali fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound”

COM(2010) 325 finali – 2010/0175 (COD)

2011/C 48/32

Nhar is-6 ta' Lulju 2010 u nhar it-8 ta' Lulju 2010, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, rispettivament iddeċidew jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 fir-rigward tal-projbizzjoni tas-selezzjoni kwalitattiva (highgrading) u r-restrizzjonijiet fuq is-sajd għall-barbun u l-barbun imperjali fil-Baħar Baltiku, fil-Belts u fis-Sound

COM(2010)325 fin – 2010/0175 (COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (seduta tal-15 ta' Settembru), iddeċieda b’unanimità li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/169


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja (tfassil mill-ġdid)”

COM(2010) 359 finali – 2010/0194 (COD)

2011/C 48/33

Nhar it-8 ta’ Lulju 2009, il-Parlament Ewropew, u nhar is-7 ta’ Settembru 2010, il-Kunsill, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja (Riformulazzjoni)

COM(2010) 359 finali – 2010/0194(COD).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li barra minn hekk diġà ta fehmtu fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu CESE 807/2000 u CESE 1360/2002, adottati fit-13 ta’ Lulju 2000 (1) u fil-11 ta’ Diċembru 2002 (2), iddeċieda unanimament, matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu tal-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tal-15 ta’ Settembru), li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokumenti msemmija.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 68/193/KEE dwar it-tqegħid fis-suq ta’ materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja”ĠU C 268, p. 42, 19.9.2000. (Il-verżjoni bil-Malti mhux disponibbli.)

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 66/401/KEE fuq il-kummerċ ta’ żerriegħa tal-magħlef, 66/402/KEE fuq il-kummerċ taż-żerriegħa taċ-ċereali, 68/193/KEE fuq il-kummerċ ta’ materjal għall-propagazzjoni veġetattiva tad-dielja, 92/33/KEE fuq il-kummerċ tal-propagazzjoni veġetali u materjal għat-tħawwil, eskluża żerriegħa, 92/34/KEE fuq il-kummerċ għall-propagar u tħawwil ta’ materjal tas-siġar tal-frott, 98/56/KE fuq il-kummerċ tal-materjal tal-propagar ta’ xtieli ornamentali, 2002/54/KE fuq il-kummerċ ta’ żerriegħa tal-pitravi, 2002/55/KE fuq il-kummerċ taż-żerriegħa veġetali, 2002/56/KE fuq il-kummerċ taż-żerriegħa tal-patata u 2002/57/KE fuq il-kummerċ taż-żerriegħa ta’ xtieli ta’ żejt u fibra rigward testijiet u provi komparattivi tal-Komunità”, ĠU C 85, p. 43-44, 8.4.2003. (Il-verżjoni bil-Malti mhux disponibbli.)