|
ISSN 1725-5198 doi:10.3000/17255198.C_2011.021.mlt |
||
|
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21 |
|
|
||
|
Edizzjoni bil-Malti |
Informazzjoni u Avviżi |
Volum 54 |
|
Avviż Nru |
Werrej |
Paġna |
|
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet |
|
|
|
OPINJONIJIET |
|
|
|
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew |
|
|
|
L-463 sessjoni plenarja tas-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 |
|
|
2011/C 021/01 |
||
|
2011/C 021/02 |
||
|
2011/C 021/03 |
||
|
2011/C 021/04 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN |
|
|
2011/C 021/05 |
||
|
2011/C 021/06 |
||
|
2011/C 021/07 |
||
|
|
III Atti preparatorji |
|
|
|
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew |
|
|
|
L-463 sessjoni plenarja tas-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 |
|
|
2011/C 021/08 |
||
|
2011/C 021/09 |
||
|
2011/C 021/10 |
||
|
2011/C 021/11 |
||
|
2011/C 021/12 |
||
|
MT |
|
I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet
OPINJONIJIET
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-463 sessjoni plenarja tas-26 u s-27 ta’ Mejju 2010
|
21.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-bżonn li jiġi adottat approċċ integrat għar-riabilitazzjoni urbana” (opinjoni esploratorja)
2011/C 21/01
Relatur: is-Sur GRASSO
Fit-2 ta’ Diċembru 2009, il-Ministeru Spanjol tad-Djar, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, f’isem il-Presidenza Spanjola, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar
Il-bżonn li jittieħed approċċ integrat għar-riabilitazzjoni urbana.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Mejju 2010.
Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 (seduta tas-26 ta’ Mejju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’87 vot favur, 4 voti kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-belt saret sistema li taħli l-enerġija, iżda hija wkoll wieħed mill-fatturi ewlenin tat-tibdil tal-ambjent. Għalhekk, wieħed mill-mezzi importanti fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet dannużi tas-CO2 u t-tibdil fil-klima huwa li tittieħed azzjoni koordinata fil-livell tal-UE għall-iżvilupp aktar deċiżiv ta’ politiki favur ir-riabilitazzjoni urbana.
1.2 Il-KESE huwa favur strateġija ta’ miżuri fuq skala urbana jew metropolitana għar-riabilitazzjoni tal-inħawi mitluqa f’dak li jirrigwardja l-bini, l-aspetti urbanistiċi u dawk soċjali u ambjentali.
1.3 Sfortunatament, l-istrumenti konvenzjonali tal-ippjanar tal-użu tal-art għadhom mhumiex adatti għal dan it-tip ta’ approċċ, anke minħabba l-fatt li l-bliet ivarjaw fil-lokazzjoni tagħhom u s-servizzi urbani li joffru, u għalhekk mhux possibbli jinstabu soluzzjonijiet uniformi. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li l-UE toħloq strumenti li jissejsu fuq sistemi ta’ indikaturi tal-kwalità urbana, ibbażati fuq limiti standard ta’ degradazzjoni soċjourbana u ambjentali. Jirrakkomanda wkoll li toħloq indiċi tar-riabilitazzjoni urbana bil-għan li titkejjel l-effiċjenza amministrattiva, ir-rata ta’ suċċess tal-miżuri u l-livell ta’ sodisfazzjon tal-abitanti.
1.4 F’dan ir-rigward, ser insemmu għadd ta’ proposti li saru f’opinjonijiet preċedenti tal-KESE u nittamaw li, bil-għan li jitwessa’ d-dibattitu Ewropew dwar il-bliet sostenibbli, tintlaqa’ tajjeb il-proposta tagħna li jitwaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Urban u s-Sostenibbiltà (1).
1.5 Sabiex jitnieda “rinaxximent urban ġdid”, li jenfasizza l-mudell ta’ riabilitazzjoni urbana integrata u li jagħti attenzjoni partikolari lit-tibdil demografiku, il-koeżjoni soċjali, l-analiżi mill-ġdid tal-bażi ekonomika urbana, ir-rivalutazzjoni tal-wirt naturali, il-proċessi ta’ dematerjalizzazzjoni, il-bliet effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-bijodiversità, il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ kooperazzjoni mill-qrib fil-livelli kollha tal-gvern (Kummissjoni, gvernijiet nazzjonali, reġjuni u awtoritajiet lokali). Iżda din għandha tkun karatterizzata minn applikazzjoni aktar flessibbli u inqas riġida tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mhux biss minn qafas ġerarkiku ta’ setgħat. Għal dan il-għan, il-KESE jħeġġeġ il-promozzjoni ta’ netwerks tematiċi fost il-bliet li jaħdmu favur l-implimentazzjoni ta’ riabilitazzjoni urbana sostenibbli.
1.6 It-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija tal-bini u l-infrastruttura għandu jkun fattur strateġiku tal-impenn politiku fil-konfront tar-riabilitazzjoni urbana fl-UE minħabba l-benefiċċji tiegħu mil-lat tat-tnaqqis fid-domanda tal-enerġija u ż-żieda sostanzjali fl-impjiegi ġodda fl-Ewropa. Il-KESE jinsab fiduċjuż li l-UE ser tmexxi ’l quddiem dawn l-għanijiet permezz tal-integrazzjoni dejjem tikber mal-programmi settorjali li qed jitħejjew dwar il-politika tal-UE fil-qasam tal-innovazzjoni, il-politika tal-UE fil-qasam tat-trasport għall-perijodu 2010-2020 u l-Pjan SET (Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija). Iħeġġeġ ukoll żieda fl-investiment billi, permezz tal-BEI, jiżdiedu l-istrumenti finanzjarji għad-dispożizzjoni tiegħu (JESSICA, JASPERS, eċċ.) u jħeġġeġ ukoll il-promozzjoni ta’ sħubijiet pubbliċ-privati effettivi.
1.7 Il-KESE jittama li l-integrazzjoni tas-sistemi tat-trasport sostenibbli u tal-enerġija ssir il-bażi tal-politika fil-qasam tar-riabilitazzjoni urbana. Barra minn hekk, din il-politika ta’ integrazzjoni għandha tkun appoġġjata permezz ta’ finanzjament mill-UE għan-netwerks tat-trasport sostenibbli u politiki fil-qasam tal-enerġija alternattiva li huma essenzjali għar-riabilitazzjoni tal-periferiji.
1.8 Jittama wkoll li l-Istati Membri jadottaw inċentivi fiskali li jħeġġu ċ-ċittadini jikkontribwixxu bil-għan li kull bini jitbiddel f’ġeneratur tal-enerġija.
1.9 Il-KESE jirrakkomanda li jiġu promossi l-iżvilupp kulturali u l-intraprenditorija, speċjalment fl-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju li jistgħu jsibu soluzzjonijiet innovattivi għar-rijabilitazzjoni u l-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi.
1.10 Il-KESE jemmen ukoll li, bil-għan li titħeġġeġ parteċipazzjoni aktar responsabbli min-naħa taċ-ċittadini fl-implimentazzjoni tal-programmi tar-riabilitazzjoni urbana integrata, jeħtieġ li jkun hemm djalogu u jiġu kkonsultati l-komunitajiet fi ħdan ċentri urbani, inklużi n-nisa, iż-żgħażagħ u dawk li qegħdin f’riskju ta’ esklużjoni. Għandha titnieda kampanja pubbliċitarja fil-livell Ewropew bi sħab man-netwerks li jirrappreżentaw liċ-ċittadini u s-setturi dwar it-tfaddil li jista’ jsir fil-prattika permezz tal-produzzjoni ta’ enerġija nadifa. Il-kampanja attwali la hija mmirata biżżejjed u lanqas ma għandha riżorsi adegwati.
1.11 Sabiex ikunu jistgħu jkunu kompetittivi mal-megalopoli Asjatiċi, il-politiki tar-riabilitazzjoni urbana tal-bliet Ewropej għandhom ikunu jistgħu jikkombinaw ir-riabilitazzjoni tradizzjonali tal-ispazji fiżiċi mad-dematerjalizzazzjoni, li hija rappreżentata wkoll mit-teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni. B’hekk, l-ambjent jiġi kkonservat u jiġi evitat li l-bliet inaqqru iżjed u iżjed miż-żoni ħodor.
1.12 Barra minn hekk, fil-fehma tal-KESE, huwa strateġikament importanti li jitnieda proċess fuq skala wiesgħa għat-taħriġ tal-mexxejja, bil-għan li jiżdiedu r-responsabbiltà, il-kreattività u l-kwalità tagħhom. L-għan huwa li tittejjeb il-kapaċità tagħhom li jagħmlu għażliet għaqlija huma u jmexxu politiki ta’ riabilitazzjoni u żvilupp urban li jikkonformaw mal-għanijiet tat-tkabbir sostenibbli tal-UE. Fl-istess ħin, il-KESE jtenni l-importanza tal-kooperazzjoni mad-DĠ Regio u jitlob li tissaħħaħ. Iżda l-Kumitat iqis ukoll bħala essenzjali l-opportunità u l-ħtieġa li jissaħħaħ it-tim operattiv tad-DĠ Regio li jaħdem fil-qasam tal-politika urbana, bil-għan li jitħaffu l-proċessi involuti fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ żvilupp li l-Kummissjoni beħsiebha tniedi.
2. Introduzzjoni
2.1 F’dawn l-aħħar għaxar snin, il-Karta ta’ Leipzig dwar il-Bliet Sostenibbli Ewropej (Mejju 2007) kienet waħda mill-aktar xhieda importanti tar-rieda tal-Istati Membri li jaslu għal ftehim dwar strateġiji u prinċipji komuni għall-politika ta’ żvilupp urban. Id-dibattitu dwar il-politiki urbani żdied bil-qawwa fil-livell tal-UE. Il-Presidenza Spanjola qed tkompli taħdem f’dan il-qasam billi tagħti attenzjoni partikolari lil din il-kwistjoni u talbet lill-KESE u lill-Kumitat tar-Reġjuni jressqu l-analiżi tagħhom kif ukoll li jikkontribwixxu għad-dibattitu fl-okkażjoni tal-laqgħa informali tal-Ministri tal-UE.
2.2 L-analiżi hija dwar għadd ta’ kwistjonijiet importanti li jridu jissolvew fil-bliet permezz ta’ politika ta’ riabilitazzjoni urbana bil-għan li jinkiseb, permezz ta’ approċċ integrat, livell ta’ sostenibbiltà urbana li jissodisfa dawn il-bżonnijiet:
|
— |
it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-bini Ewropew, li ż-żmien li ilu mibni jagħmlu sors ta’ emissjonijiet dannużi li jdgħajfu bil-bosta l-kwalità tal-ħajja urbana, billi jinħolqu impjiegi ġodda u jitħeġġu l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku; |
|
— |
żieda aktar qawwija fil-koeżjoni soċjali permezz ta’ programm integrat ta’ riabilitazzjoni għall-inħawi mitluqa, bil-għan li tinkiseb l-integrazzjoni soċjali, li ssir ġlieda kontra l-esklużjoni, li jsir taħriġ, eċċ.; |
|
— |
kontribut għas-sostenibbiltà ambjentali, anke permezz tar-riabilitazzjoni urbana tal-inħawi mitluqa, permezz tal-adattament tal-bini eżistenti b’mod li jissodisfa l-għanijiet tal-effiċjenza fl-enerġija, l-abitabbiltà u l-aċċċessibbiltà, bil-għan li ż-żoni ħodor ma jkomplux jonqsu. |
3. Ippjanar urban integrat
3.1 Il-ħarsien tal-ambjent, fil-livelli urbani differenti, u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini għandom ikunu għanijiet operattivi importanti tal-politiki reġjonali tal-Istati Membri individwali u tal-UE inġenerali.
3.2 Permezz ta’ din l-opinjoni, il-KESE beħsiebu jikkonferma l-pożizzjoni tiegħu dwar il-bżonn li jiġu żviluppati politiki integrati ta’ riabilitazzjoni urbana, hekk kif stipulat fil-programm tal-Istrateġija UE 2020 u l-programm tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (2).
3.2.1 Il-KESE japprova l-kontenut tad-dokument UE 2020 u jaqbel mal-approċċ operattiv stabbilit fih rigward il-fatt li l-politiki ta’ rabilitazzjoni għandhom bżonn iqisu ċerti kunċetti innovattivi:
|
— |
it-titjib tar-riżorsi umani, b’mod partikolari b’rabta mal-ħtiġijiet tal-persuni mdaħħla fiż-żmien; il-livell ta’ integrazzjoni tal-migranti ġodda; il-qerda tal-faqar, b’mod partikolari l-faqar fost it-tfal; u ż-żieda tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; |
|
— |
it-tkabbir ibbażat fuq l-għarfien; |
|
— |
l-iżvilupp ta’ soċjetà parteċipattiva u kreattiva; |
|
— |
l-iżvilupp ta’ ekonomija kompetittiva u interkonnessa, li tagħti attenzjoni lis-suq soċjali u “aħdar”. |
3.2.2 Fil-fehma tal-KESE, il-programm tal-Presidenza Spanjola jirrispetta dawn il-kunċetti peress li, b’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, għandu l-għan li jiggarantixxi d-drittijiet taċ-ċittadini u jħares id-drittijiet fundamentali.
3.2.3 Dawn l-għanijiet iħeġġu idea ta’ riabilitazzjoni li tħaddan fiha interdipendenza qawwija bejn il-kwalità tal-ispazji u l-kwalità tal-ospitalità – fi kliem ieħor, riabilitazzjoni li hija miftuħa għaċ-ċittadini kollha, hi x’inhi l-lingwa, l-oriġini jew ir-reliġjon tagħhom.
4. Xi wħud mill-kwistjonijiet urbani
4.1 B’konformità mal-prinċipji stipulati fid-dokumenti msemmija hawn fuq, il-kunċett tar-riabilitazzjoni jkollu jissielet ma’ sensiela ta’ bidliet importanti fl-għamla u n-natura tal-bliet (3):
|
— |
it-tixrid tal-hekk imsejħa “urban sprawl” (“belt imxerrda”), bil-konsum għoli tal-art u d-“diżekonomiji” ta’ skala li ġġib magħha; |
|
— |
it-tnaqqis tal-koeżjoni funzjonali tal-bliet, bil-kriżi fiċ-ċentri storiċi, il-periferiji mitluqa u ż-żoni ta’ produzzjoni; |
|
— |
il-prevalenza ta’ risposti għall-kriżi li huma sostanzjalment konservattivi, jiġifieri bi ftit li xejn immaġinazzjoni jew kreattività, iżda fuq kollox risposti li ma jqisux l-eżiġenzi ta’ dinja globalizzata; |
|
— |
is-sostituzzjoni tas-sistema ta’ “funzjonijiet” b’sistema ta’ “kontenituri”, li għandhom jitqiesu bħala postijiet kumplessi u b’possibbiltà qawwija li jiġġarrfu, f’żoni metropolitani mhux divrenzjati; |
|
— |
it-telf tal-kunċett tal-konfini, li għad għandu skop amministrattiv iżda li tilef it-tifsira ġeografika, simbolika u politika tiegħu; |
|
— |
l-erożjoni taż-żoni ħodor madwar il-bliet, b’telf gravi għall-produzzjoni bijotika; |
|
— |
iż-żieda fil-ħin tal-ivvjaġġar, li jolqot ħażin il-kwalità tal-ħajja; |
|
— |
iż-żoni urbani, saħansitra dawk tradizzjonali, bħalissa għandhom it-tendenza li jiżviluppaw fi spazji magħluqa u speċjalizzati: (iż-żona “residenzjali” u xejn aktar; it-“theme parks” iddedikati għad-divertiment; it-tagħlim limitat għall-iskejjel jew il-kampus; il-kultura fil-mużewijiet u t-teatri, eċċ.). L-ispazju magħluq jenfasizza s-supremazija tal-privat (kemm bħala stil ta’ ħajja kif ukoll bħala kunċett u prattika legali) bi ħsara għall-ħtieġa ta’ komunità. |
4.2 Hemm bżonn li l-loġika tal-ispazji magħluqa tikkontrobatti dik tal-ispazju infinit, irrappreżentat minn relazzjonijiet li mhumiex materjali, li fihom il-kunċett tal-ħin jissostitwixxi dak tad-distanza fiżika.
4.3 Għalhekk, ir-riabilitazzjoni taż-żoni urbani għandha twaħħad ir-rikonverżjoni tradizzjonali tal-ispazji fiżiċi mad-dematerjalizzazzjoni: dan jidher bl-aktar mod ċar fit-teknoloġija tat-telekomunikazzjoni. Fil-fatt, il-problema li għandha tiġi solvuta hija l-kunflitt bejn il-moħħ, li sar jirraġuna f’termini ta’ ubikwità, u l-ġisem, li għandu bżonn l-għeruq u ma jistax jiċċaqlaq minn post għal ieħor il-ħin kollu, iżda jixtieq li jkun organizzat f’postijiet u spazji ta’ kwalità tajba.
4.4 Il-proċess tar-riabilitazzjoni għalhekk ser ikun ir-riżultat tas-sinerġija u l-integrazzjoni ta’ tliet aspetti tal-belt:
— il-belt Agora: imsejsa fuq il-bniedem, b’armonija sħiħa bejn is-sistemazzjonijiet urbani u ż-żona urbana, u bejn il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku;
— il-belt “glokali” (globali/lokali): frott bilanċ aktar tajjeb bejn il-globalizzazzjoni u l-kapaċità li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi lokali u l-karatteristiċi u l-attitudnijiet differenti;
— il-belt sostenibbli: għandha tkun tista’ ssolvi l-problemi internament, mingħajr ma tgħaddihom lill-oħrajn jew lill-ġenerazzjonijiet futuri.
5. Mudell olistiku għar-riabilitazzjoni urbana
5.1 Il-Kumitat huwa favur “rinaxximent urban ġdid” (4), ikkaratterizzat minn:
|
— |
koeżjoni soċjali akbar; |
|
— |
tiġdid kulturali; |
|
— |
analiżi mill-ġdid tal-ekonomija tal-bażi ekonomika urbana b’mod li tiġi indirizzata r-riċessjoni attwali; |
|
— |
it-tisħiħ tal-wirt naturali permezz tad-dematerjalizzazzjoni u ż-żieda fil-bijodiversità. |
5.2 Politka msejsa fuq “rinaxximent urban ġdid” twessa’ t-tifsira tal-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku fir-Reġjuni u l-Bliet (5), peress li tinterpreta r-rwol importanti li jaqdu l-awtoritajiet lokali biex tingħeleb il-kriżi bħala fatt strutturali, li għandu l-għan li jkollu impatt mhux biss fuq il-kriżi ekonomika iżda wkoll fuq l-evalwazzjoni mill-ġdid tar-riżorsi kollha tal-komunitajiet tagħna.
5.3 B’hekk jissawwar mudell integrat ta’ riabilitazzjoni urbana, li huwa l-espressjoni spazjali tal-“green new deal” (6), li fih is-sistema olistika tal-miżuri marbuta mar-riżorsi umani naturali u fiżici għandu jkollha bħala punt ta’ referenza importanti definizzjoni mġedda tal-ġid ibbażata mhux biss fuq l-akkumulazzjoni iżda wkoll fuq l-użu meqjus tar-riżorsi u fuq iż-żieda fil-livell tal-benesseri taċ-ċittadini (7).
Dan il-mudell jimplika eżerċizzju fit-tmexxija min-naħa tal-awtoritajiet lokali li jiffaċilita l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini u jagħmel mod li l-ekonomija tar-reġjuni tagħhom tħaffef l-iżvilupp tas-swieq u l-hekk imsejħa “teknoloġiji ħodor”. Il-proposta li jitwaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Urban u s-Sostenibbiltà tista’ tiffaċilita l-promozzjoni u t-tkabbir ta’ netwerks tematiċi bejn il-bliet, anke dawk żgħar u ta’ daqs medju, biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.
6. Is-sistema olistika tar-riabilitazzjoni urbana tinkludi:
6.1 Ir-riżorsi umani
6.1.1 Hemm bżonn ukoll li nwaħħdu l-għan tal-Istrateġija ta’ Lisbona li nibnu soċjetà aktar kompetittiva bbażata fuq l-għarfien u fuq il-kreattività mal-għan tad-dokument UE 2020 li jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-koeżjoni permezz ta’ politiki ta’ appoġġ għall-gruppi soċjali vulnerabbli, b’mod partikolari l-persuni mdaħħla fiż-żmien, integrazzjoni aktar effettiva, b’mod partikolari għall-migranti reċenti, il-qerda tal-faqar u solidarjetà akbar bejn il-ġenerazzjonijiet.
6.1.2 L-UE tat spazju kulturali u prattiku lil dawn il-kwistjonijiet:
|
— |
l-iżvilupp ta’ “community building”, bil-għan li jingħata aċċess, fl-ippjanar urban, lill-partijiet interessati kollha: l-organizzazzjonijiet tekniċi u professjonjali (dawk involuti fl-ippjanar urban, il-periti, l-inġiniera, eċċ.), dawk intraprenditorjali u dawk involuti fil-qasam tad-djar; |
|
— |
l-iżvilupp ta’ għarfien ġdid u l-prinċipju tal-kreattività permezz tal-promozzjoni ta’ forom ġodda ta’ riċerka u tagħlim, bis-sehem tal-universitajiet, u billi jiġu promossi forom differenti ta’ ppjanar urban kreattiv (8). L-aħjar mod kif tista’ tiżdied l-effiċjenza ta’ dawn l-opportunitajiet ġodda huwa permezz tal-promozzjoni ta’ sħubijiet pubbliċi-privati. |
6.1.3 Dawn il-politiki għandhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid b’mod li:
|
— |
jiġu promossi prattiki ta’ “governanza tajba” min-naħa tal-bliet, inklużi ż-żoni periurbani u urbani, bil-għan li jittejjeb mhux biss il-benesseri ekonomiku, iżda wkoll dak psikoloġiku, spiritwali u soċjali; u |
|
— |
jinħolqu impjiegi ġodda, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ u l-immigranti, kif ukoll jingħata taħriġ mill-ġdid lill-hekk imsejħa ħaddiema “blue-collar” u “white-collar” li ntlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi attwali. Għal dan il-għan, il-KESE jissuġġerixxi li tiġi promossa “carbon army” marbuta mat-tiġdid sostenibbli tal-bliet. |
6.1.4 Skont it-tbassir demografiku, fl-2060 aktar min-nofs il-popolazzjoni ser ikollha aktar minn 48 sena, il-flussi migratorji ġodda ser jissaħħu, b’mod partikolari l-flussi taż-żgħażagħ lejn il-bliet, u l-abbandun tar-reġjuni rurali u żvantaġġati. F’dan il-kuntest, fil-livelli lokali, għandhom jiġu kkunsidrati l-azzjonijiet li ġejjin:
|
— |
l-iżvilupp ta’ kultura li toħloq sinerġiji bejn l-intraprenditorija pubblika u privata li twassal għat-tkabbir tal-SMEs u tistimola komunità urbana bbażata fuq il-parteċipazzjoni u l-kreattività; |
|
— |
l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi li jsaħħu d-djalogu u l-konsultazzjonijiet mal-komunitajiet urbani billi jinvolvu lin-nisa, liż-żgħażagħ u lil dawk f’riskju ta’ esklużjoni; |
|
— |
it-titjib tal-kwalità tal-ħajja permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi għall-akkomodazzjoni soċjali sostenibbli, il-kura tas-saħħa u s-sistema edukattiva. |
6.1.5 L-impjiegi ġodda li jinħolqu permezz tal-hekk imsejjaħ “new green deal” u t-tnaqqis fl-emissjonijiet jitolbu politiki marbuta mat-taħriġ u t-tixrid tal-informazzjoni. Għandha ssir ħidma bil-għan li:
|
— |
jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-pjattaformi informattivi tal-UE (dwar l-ambjent, l-użu effiċjenti tal-enerġija, it-tasport, l-ekonomija, eċċ.); |
|
— |
issir rabta mal-programm Knowledge and Innovation Communities (KIC) tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija biex jiġi żgurat trasferiment rapidu tat-teknoloġiji ġodda fil-livell lokali; |
|
— |
tiġi żviluppata strateġija soda dwar it-tixrid tal-aħjar prattiki fir-rigward tal-integrazzjoni tat-teknoloġiji ħodor fil-komunitajiet urbani. |
6.2 Ir-riżorsi naturali
6.2.1 Is-supremazija tar-riżorsi naturali fuq ir-riżorsi fiżiċi tagħmel l-istudju tal-metaboliżmu urban vitali għat-twaqqif ta’ proċessi ta’ tiġdid ibbażati fuq l-użu meqjus tal-materja prima u fuq ir-rimi tal-iskart.
6.2.2 L-għarfien tal-metaboliżmu urban huwa għodda importanti għall-ksib tal-għanijiet marbuta mat-titjib tal-kwalità tal-ambjent urban, li huma stabbiliti mill-konvenzjonijiet internazzjonali u mmirati lejn il-konservazzjoni (Kjoto, bijodiversità, ilma, eċċ.) bil-għan li jittaffa t-tibdil fil-klima (9).
6.3 Ir-riżorsi fiżiċi
6.3.1 Ir-riabilitazzjoni urbana fil-konfront tal-proċessi attwali ta’ bidla għandha bżonn tkun inqas u inqas dwar miżuri separati, definiti, limitati, u aktar u aktar dwar proċessi li jiżviluppaw kuntesti polivalenti, ikkaratterizzati mill-kwalità u l-varjetà tal-ispazji u mill-effett li jkollhom fuq xulxin l-aspetti differenti bħall-elastiċità, il-“malleabilità” u l-kapaċità ta’ “ospitalità”.
6.3.2 Fil-fehma tal-KESE, l-importanza dejjem tikber tal-limiti ambjentali, il-proċessi tal-integrazzjoni jew il-piż dejjem jikber tal-interattività ma jistgħux jitwarrbu meta jkunu qed jiġu rriabilitati l-bini u l-infrastruttura.
6.4 Ir-riżorsi mhux materjali
6.4.1 Il-Kunsill Ewropew, permezz tal-programm e-Europe (1999), il-Konvenzjoni ta’ Lisbona (2000), il-programmi operattivi i-2010, josserva li s-soċjetà elettronika (“e-society”) hija l-fattur prinċipali fl-iżvilupp tal-UE. Għaldaqstant, il-Kunsill tal-UE beħsiebu jippromovi proġetti li jħaffu l-proċess ta’ żvilupp ta’ soċjetà li hija kapaċi taħtaf l-opportunitajiet elettroniċi u interattivi. Għal dan il-għan, qed isiru l-arranġamenti meħtieġa biex kull ċittadin Ewropew ikun jista’ jidħol fl-era diġitali u jkollu konnessjoni tal-internet, bil-għan li tinħoloq soċjetà miftuħa, inklużiva u kooperattiva.
6.4.2 Għalhekk, huwa jafda lill-bliet l-inkarigu li jiġbdu lejhom l-għarfien, li jġeddu s-sistema tar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċittadini u li jħeġġu r-riorganizzazzjoni tal-mezzi ta’ produzzjoni (10).
6.4.3 Ma hemm l-ebda dubju li l-investiment fl-innovazzjoni teknoloġika urbana għandu jkun rapidu u qawwi, fid-dawl tal-fatt li l-livell ta’ kompetizzjoni li qed niffaċċjaw mil-Lvant huwa għoli ħafna (11).
7. Lejn “green new deal” għall-bliet
7.1 Ir-riabilitazzjoni urbana hija kwistjoni kumplessa iżda trid tissawwar fi ħdan strateġija biex tkun effiċjenti.
7.2 Huwa probabbli li l-aktar kwistjoni urġenti tirrigwarda r-rabta mill-qrib li hemm bejn ir-riabilitazzjoni tal-bliet, l-ambjenti tagħhom u l-kriżi ekonomika. Fil-fehma tal-KESE, il-proċessi tar-riabilitazzjoni urbana għandhom jitqiesu fid-dawl tal-prinċipji tal-hekk imsejħa “green economy” u bħala opportunitajiet għal “green new deal” Ewropew (12), li jista’ jinvolvi l-integrazzjoni tat-tipi differenti ta’ morfoloġija urbana: il-belt bijotika, il-belt materjali u l-belt tal-“bits”, ilkoll bil-għan li jsaħħu l-belt solidali.
F’dan ir-rigward, ir-rwol tal-ambjent naturali bħala produttur tal-prodotti u s-servizzi li huma essenzjali għall-ħajja tal-bniedem għandu jiġu evalwat mill-ġdid.
8. Il-belt bijotika
8.1 L-iżvilupp tan-netwerk ekoloġiku
8.1.1 Fil-fehma tal-Kumitat, huwa partikolarment importanti li l-belt tiġi analizzata bħala ekosistema u li jiġi eżaminat bir-reqqa l-valur patrimonjali tal-infrastruttura naturali (bħala sors, pereżempju, ta’ ilma u arja nodfa, il-protezzjoni mir-riħ, il-fertilità tal-ħamrija u l-fertilizzazzjoni bil-polline), li mhux faċli jiġi sostitwit b’soluzzjonijiet teknoloġiċi, jekk mhux bi spejjeż kbar u f’livelli ta’ effiċjenza li ma jistgħux jitqabblu mal-effiċjenza tas-sistemi bijotiċi.
8.1.2 Huwa stmat li sal-2050 l-Ewropa ser titlef 11 % oħra taż-żoni naturali li kellha fis-sena 2000 (13). Għalhekk, l-istituzzjonijiet pubbliċi għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-konsegwenzi ta’ dan il-fenomenu u jżidu l-investiment għall-ħarsien tal-ekosistemi, inklużi l-ekosistemi urbani.
8.2 Il-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli
8.2.1 Il-belt hija element strateġiku fl-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli. Fil-fatt, it-titjib u t-tiġdid teknoloġiku tal-impjanti tat-tisħin u t-tiksiħ, li jirrappreżentaw 40-50 % tad-domanda globali tal-enerġija, qegħdin fil-qalba tal-politika tal-UE 20-20-20 favur it-tijib tas-servizzi tal-enerġija (tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra u tal-konsum tal-enerġija u żieda fl-użu tal-enerġiji rinnovabbli ta’ 20 %).
8.2.2 Iż-żieda fil-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli b’konformità mal-Pjan SET hija importanti ħafna minħabba l-implikazzjonijiet tagħha fil-qasam tal-impjiegi. Għalhekk, il-komunitajiet urbani għandhom ikunu l-ewwel li jakkwistaw it-teknoloġiji l-ġodda. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-Kunisll u l-Parlament Ewropew li jiffinanzjaw il-Pjan SET hija f’waqtha ħafna.
9. Il-belt materjali
9.1 It-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini
9.1.1 It-titjib tal-effiċjenża fl-użu tal-enerġija fil-bini u l-infrastruttura hija fattur strateġiku għar-riabilitazzjoni urbana tal-UE. Bis-saħħa tat-teknoloġiji l-ġodda, il-potenzjal għaż-żieda fl-effiċjenza huwa konsiderevoli. Sal-2050, id-domanda għal enerġija primarja tista’ tonqos bi 300 exajoule, bi tnaqqis annwali ta’ 20–25 gigaton ta’ CO2. L-investiment annwali attwali tal-UE fit-teknoloġiji għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huwa ta’ madwar EUR 60 biljun fis-sena.
9.1.2 Fl-2005, studju tal-Kummissjoni Ewropea wera li l-investiment meħtieġ sabiex innaqqsu l-konsum tal-enerġija b’20 % kien joħloq miljun impjieg (b’mod dirett jew indirett). Dan it-tnaqqis fl-użu tal-enerġija ser ikun ikkonċentrat f’dawn l-oqsma: it-tidwil tal-bini, it-tagħmir tekniku tal-uffiċċji, it-tagħmir domestiku u l-koġenerazzjoni.
9.1.3 Il-KESE jittama li l-għan ma jkunx limitat biss għat-tnaqqis fl-użu tal-enerġija iżda wkoll għat-tibdil ta’ kull bini f’ġeneratur tal-enerġija (“every building a power station”).
9.1.4 Dan ser jnvolvi investiment konsiderevoli fir-riċerka fis-snin li ġejjin u ser ikollu l-għan li jbiddel il-mod kif jinbnew il-bliet b’mod li jagħmlu l-aħjar użu tal-metaboliżmu tagħhom permezz tal-użu ta’ materjal innovattiv u soluzzjonijiet ta’ loġistika relatati mal-art għall-bini li jkunu dejjem iżjed sofistikati.
9.1.5 It-tiġdid tal-patrimonju arkitettoniku jitlob sinerġiji finanzjarji u politiki ta’ kooperazzjoni fil-livell globali, peress li:
|
— |
jekk jitlef mill-kompetittività, dan ikollu impatt negattiv fuq l-impjiegi; |
|
— |
ikollu jikkompetti mas-sistemi internazzjonali, b’mod partikolari dawk Asjatiċi, li qed jespandu b’rata mgħaġġla ħafna. Il-miżuri ta’ riabilitazzjoni b’rabta ma’ dan għandhom jitqiesu bħala bażi għall-esportazzjoni; |
|
— |
hemm bżonn li l-pajjiżi Ewropej bi dħul aktar baxx jiġu involuti f’dan il-proċess; |
|
— |
m’għandux jiġi indirizzat b’mod separat mill-problema tal-alloġġ soċjali, li tolqot lil miljuni ta’ ċittadini Ewropej. |
9.2 Sistema integrata tal-infrastruttura
9.2.1 Id-dokumenti tal-UE dwar il-koeżjoni soċjali jenfasizzaw l-importanza tal-integrazzjoni ta’ kull tip ta’ infrastruttura, kunċett li jmur lil hinn mis-sempliċi fatt li jiġu żgurati rabtiet tajbin bejn ir-reġjuni kollha. Fl-Ewropa, ġew allokati EUR 600 miljun għall-modernizzazzjoni tan-netwerks minn issa sal-2020, li EUR 90 miljun minnhom ser ikunu ddedikati għall-infrastruttura “intelliġenti”.
9.2.2 Anke l-infrastruttura integrata għandha tkun għan importanti tar-riabilitazzjoni urbana u għandha tinvolvi l-aċċess:
|
— |
għas-servizzi bħall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-enerġija sostenibbli, li, bis-saħħa tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni, qed isiru interattivi, pereżempju fil-każ tat-telemediċina u t-tagħlim mill-bogħod; |
|
— |
għas-sistemi tat-trasport, li l-integrazzjoni sostenibbli tagħhom tinvoli t-titjib tas-sistema tal-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilmijiet interni, l-aċċess għall-ajruporti, l-iżvilupp ta’ mezzi tat-trasport intermodali u sistemi avvanzati għall-ġestjoni tat-traffiku, u t-titjib tal-passaġġi għar-roti u għall-mixi. Is-sistema integrata tat-trasport tipprovdi appoġġ lil politika urbana li jkollha l-għan li tevita l-hekk imsejħa “urban sprawl” b’mod li jitnaqqsu l-konsum tal-enerġija u l-ispejjeż soċjali marbuta mal-ivvjaġġar u t-tranżazzjonijiet kummerċjali; |
|
— |
għal sistema ta’ trasport sostenibbli flimkien ma’ sistema ta’ enerġija effiċjenti, li huma l-bażi ta’ politika ta’ riabiltazzjoni urbana tal-UE, li għandha tagħti prijorità lill-finanzjament ta’ netwerks ta’ trasport sostenibbli u enerġija funzjonali li jestendu sal-periferiji li jkollhom bżonn jiġu rriabilitati; |
|
— |
għan-netwerk tal-enerġija. It-tkabbir tas-settur tat-trasport li jaħdem bl-elettriku (ara d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli), tat-teknoloġiji tat-telekomunikazzjoni u tal-kompjuters jiġġenera żieda esponenzjali fil-konsum tal-enerġija; għalhekk, hemm bżonn ta’ netwerk intelliġenti tad-distribuzzjoni li jnaqqas kemm jista’ jkun it-telf, iżid l-effiċjenza, jadatta għall-ħtiġijiet u jassorbi l-produzzjoni żejda tal-enerġija solari. Barra minn hekk, għandu jiġi promoss netwerk urban ta’ stazzjonijiet għar-riforniment tal-elettriku u l-idroġenu, li jiġu forniti minn sorsi rinnovabbli prodotti fil-post; |
|
— |
għan-netwerks telematiċi, b’mod partikolari l-internet bil-broadband, li sar indispensabbli kemm għall-intrapriżi kif ukoll għall-familji. |
10. Il-belt tal-“bits”
10.1 Il-pjattaformi urbani b’livell għoli ta’ interattività, li bħalissa qed jiġu żviluppati permezz tat-teknoloġiji ta’ komunikazzjoni tal-ġenerazzjoni ġdida, għandhom l-għan li jaċċelleraw il-proċessi tar-riabilitazzjoni u jintroduċu fatturi innovattivi li jikkontribwixxu għal dawn il-ħidmiet:
|
— |
jissuperaw ir-rwol ċentrali li taqdi l-infrastruttura tat-toroq, favur sinerġija bejn it-toroq, il-GPS, il-kompjuters u l-ħolqien ta’ netwerk li jagħmilha possibbli li jiġu żviluppati sistemi ta’ loġistika interattivi; jiġu kkollegati d-djar madwar id-dinja, u jitwessa’ r-rwol tagħhom u jitbiddlu, mil-lat tal-konnettività, f’postijiet tax-xogħol, tad-divertiment u ta’ kura, eċċ.; |
|
— |
jintegraw il-provvista tas-servizzi pubbliċi u privati; dan jagħti lok għal proċessi ta’ riabilitazzjoni li jagħmluha possibbli li l-pjattaformi tal-amministrazzjoni pubblika (permessi tal-bini, reġistru tal-artijiet, taxxi, eċċ.) jagħtu aċċess interattiv lill-intrapriżi, id-djar u l-“personal digital devices” taċ-ċittadini; |
|
— |
jagħmlu progress radikali fil-proviżjoni tas-servizzi tas-saħħa bi spejjeż imnaqqsin b’mod sostanzjali. It-teknoloġiji ġodda tan-netwerks, il-minjaturizzazzjoni u l-possibbiltà ta’ ġarr (“portability”) tal-apparat jagħmluha possibbli li jsir monitoraġġ fid-djar tal-aktar funzjonijiet importanti u vitali u tal-proċeduri tas-saħħa onlajn; |
|
— |
inaqqsu l-asimmetrija fir-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini u d-detenturi tal-għarfien (il-persunal tekniku, it-tobba, il-politiċi, eċċ.) bil-għan li jbiddlu l-istrutturi tradizzjonali “top-down” fi strutturi kollaborattivi ġodda; |
|
— |
jissorveljaw b’mod attiv iċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja urbana, bil-għan li li jsir tfaddil sostanzjali fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-belt. |
11. Il-belt solidali
11.1 Il-fatturi li ġew ikkunsidrati s’issa huma importanti, saħansitra strumentali, għall-proċess tar-riabilitazzjoni urbana, li l-għan fundamentali tiegħu huwa li jżid il-koeżjoni soċjali, b’konformità mal-prinċipju fundamentali tal-komunità Ewropea tagħna, li jittenna kemm-il darba.
11.2 Iż-żieda fil-koeżjoni soċjali titlob it-tiġdid tas-sistemi ta’ ġestjoni fil-livelli kollha, minn dawk tal-UE sa dawk lokali, bil-għan li jiġu indirizzati l-kumplessità u d-diversità tar-relazzjonijiet li jikkaratterizzaw is-soċjetà tagħna. Dan qiegħed iġedded il-katina tar-relazzjonijiet mil-lat tal-approċċ kollaborattiv, tat-tnaqqis tal-asimmetrija u l-evoluzzjoni tal-kunċett tal-“leadership”.
11.3 L-approċċ kollaborattiv jirrappreżenta l-bażi tal-ġestjoni sostenibbli, li għandha l-għan li tagħti lill-partijiet interessati kollha l-aċċess għall-għażliet. Dan l-approċċ beda permezz tat-twaqqif tal-forums ċiviċi u żied il-potenzjal tiegħu permezz tal-iżvilupp ta’ mezzi teknoloġiċi interattivi. Huwa rappreżentat fil-qosor fis-slogan tan-National Academy of Public Administration tal-Istati Uniti: “Tistaqsix pajjiżek x’jista’ jagħmel għalik. Staqsi x’nistgħu nagħmlu lkoll flimkien” (14).
11.4 It-tnaqqis tal-asimmetrija: il-possibbiltà li jkun hemm aċċess f’ħin reali għal sistemi ta’ għarfien dejjem iżjed effiċjenti u li jsiru djalogi f’ħin reali tnaqqas id-distanza bejn dawk li għandhom l-għarfien u dawk li fil-passat kienu l-utenti passivi tiegħu. Dan ibiddel ir-relazzjonijiet umani iżda wkoll it-tifsira tal-ispazji urbani, li jixprunaw tipi ġodda ta’ relazzjonijiet (eż. is-servizzi tal-out-patients/l-ewwel għajnuna li qed jiċċaqilqu mill-isptarijiet lejn l-istazzjonijiet tal-metro, is-supermarkets il-kbar, eċċ.).
11.5 L-evoluzzjoni tal-kunċett tal-leadership: id-destrutturazzjoni tas-sistemi tar-relazzjonijiet u ż-żieda fl-opportunitajiet għall-kollaborazzjoni jitolbu rwoli ġodda għar-rappreżentanti pubbliċi, li issa qed jintalbu juru kemm il-ħiliet tagħhom għat-tmexxija kif ukoll dawk għall-iffaċilitar.
11.6 It-tibdil sostanzjali fis-sistema tar-relazzjonijiet joħloq opportunità għal tibdil profond fil-mudelli organizzattivi, b’mod partikolari għall-awtoritajiet lokali; din tagħmel parti minn tendenza li tista’ tiġi definita bħala bidla mill-azzjonijiet – karatteristika tal-pjani strateġiċi – għat-twaqqif ta’ pjattaformi komuni, li huma karatteristika tal-qasam tal-ġestjoni msejsa fuq is-sostenibbiltà. Huwa ppjanat li l-mudell tal-pjattaforma, li diġà ġie ttestjat mill-UE fl-organizzazzjoni tas-setturi tal-produzzjoni u tal-għarfien, jiġi estiż b’mod li jinħoloq netwerk sfiq ta’ relazzjonijiet li għandhom l-għan li jinvolvu lill-partijiet interessati kollha fil-komunità urbana u li jiffaċilitaw il-politiki tas-sussidjarjetà bejn il-komunitajiet dgħajfa u dawk b’saħħithom. Għalhekk, nistgħu nikkunsidraw:
|
— |
pjattaforma għat-tisħiħ tal-komunità, bil-għan li tlaqqa’ l-aktar firxa wiesgħa possibbli ta’ partijiet interessati u ta’ konsorzji tal-komunità lokali; |
|
— |
pjattaforma għall-għarfien bil-għan li tiżviluppa politiki innovattivi fil-qasam tal-għarfien u r-riċerka, kif ukoll li tħeġġeġ ir-riabilitazzjoni kreattiva tal-belt; |
|
— |
pjattaforma teknoloġika bil-għan li tipprovdi firxa ta’ know-how essenzjali u li twaqqaf u tmexxi proċessi innovattivi; |
|
— |
pjattaforma għar-riżorsi bil-għan li:
|
Brussell, 26 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 77, 31.3.2009, p. 123.
(2) Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea “Konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Futura UE 2020”, Brussell, 2009, u d-dokument “Programme for the Spanish Presidency of the Council of the European Union 1 January – 30 June 2010: Innovating Europe”, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni, is-Segretarjat tal-Istat għall-Unjoni Ewropea, Stamperija Nazzjonali, Gazzetta Uffiċjali tal-Gvern, Madrid, 2010.
(3) Il-problemi ewlenin tar-riabilitazzjoni huma indirizzati b’mod tajjeb ħafna f’“La Città”, Massimo Cacciari, Pazzini Stampatore Editore, Villa Verucchio (RN), 2004.
(4) Richard Rogers, “Toward an Urban Renaissance”, Urban Task Force, Londra, 2005. Jista’ jitniżżel mis-sit: www.urbantaskforce.org
(5) Unjoni Ewropea – Kumitat tar-Reġjuni, Il-Pjan Ewropew ta’ Rilanċ Ekonomiku fir-Reġjuni u l-Bliet, Brussell, 2008. Jista’ jitniżżel mis-sit: http://portal.cor.europa.eu/europe2020/Pages/Library.aspx
(6) Id-dokumenti rilevanti huma: “A green new deal for Europe”, imħejji mill-Wuppertal Institut; “Rethinking the Economic Recovery: A Global Green New Deal”, tal-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti; “A Green New Deal” tal-organizzazzjoni Ingliża new economics foundation; “Toward a Transatlantic Green New Deal: Tackling the Climate and Economic Crises”, imħejji mill-Worldwatch Institute għall-Heinrich Böll Foundation.
(7) Dan ifisser l-applikazzjoni bis-sħiħ, fil-livell lokali, tar-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew “Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f’dinja li dejjem tinbidel” COM(2009) 433 finali; id-dokument jista’ jitniżżel mis-sit: http://www.beyond-gdp.eu/ Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jissejsu fuq ir-rapport ta’ Stiglitz, Sen u Fitoussi, promoss mill-UE, fuq it-talba tal-Gvern Franciż. Ir-rapport jista’ jitniżżel mis-sit: http://www.stiglitz-sen-fitoussi.fr/en/index.htm.
(8) Jan Jacob Trip, “Creative city development in the Lisbon strategy”, TU Delft, 2009. Xavier Vives, Lluís Torrens, “The strategies of European metropolitan areas in the context of the European Union enlargement”, Pla Estratègic Metropolità de Barcelona, 2005.
(9) Rudolf de Groot, “Function-analysis and valuation as a tool to assess land use conflicts in planning for sustainable, multi-functional landscapes”, Landscape and Urban Planning 75 (2006) p. 175-186.
(10) World economic forum, “The Lisbon review 2002–2006”, li jista’ jitniżżel mis-sit: www.weforum.org/pdf/gcr/lisbonreview/report2006.pdf
Kummissjoni Ewropea, “i2010 – A European Information Society for growth and employment”, jista’ jitniżżel mis-sit: http://europa.eu/legislation_summaries/employment_and_social_policy/job_creation_measures/c11328_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti).
Fondazione Ugo Bordoni, “Dossier EU i2010”, jista’ jitniżżel mis-sit: http://www.fub.it/osservatorio/dossieruei2010/liniziativai2010
(11) L-esperimenti tal-“u-city” qed isiru hawn:
|
|
MIT: http://web.mit.edu/cre/research/ncc/casestudies.html; |
|
|
Milla digital: http://www.milladigital.org/ingles/home.php; |
|
|
Tokyo: http://www.tokyo-ubinavi.jp/en/about.html; |
|
|
Singapore: http://www.itu.int/ubiquitous; |
|
|
Ħong Kong: http://www.info.gov.hk/digital21/eng/strategy/2008/Foreword.htm; |
|
|
Arabianranta (Ħelsinki): https://www.taik.fi/en/about_taik/arabianranta_.html. |
(12) Għal dan il-kapitolu, ara r-rapport tal-organizzazzjoni new economics foundation (nef) “A Green New Deal”, Londra, 2009, li jista’ jitniżżel mis-sit: www.neweconomics.org/projects/green-new-deal
(13) Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea “The Economics of Ecosystems and Biodiversity (TEEB)”. Jista’ jitniżżel mis-sit: http://ec.europa.eu/environment/nature/biodiversity/economics/
(14) Jista’ jitniżżel mis-sit: http://www.collaborationproject.org/display/home/Home
|
21.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/9 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-inizjattivi kollettivi tas-soċjetà ċivili favur l-iżvilupp sostenibbli” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 21/02
Relatur: is-Sur HENCKS
Nhar is-16 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar l-
Inizjattivi kollettivi tas-soċjetà ċivili favur l-iżvilupp sostenibbli.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Mejju 2010.
Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 (seduta tas-26 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’146 vot favur, 5 voti kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
L-isfidi fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, li saru iktar serji minħabba l-kriżi tal-finanzi pubbliċi, huma preokkupanti biżżejjed biex is-soċjetà ċivili tieħu azzjoni sabiex tappoġġja lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u takkumpanja l-bidliet ekonomiċi u soċjali meħtieġa kif ukoll l-irkupru ta’ finanzi pubbliċi bbilanċjati. |
|
1.2 |
Minbarra l-konsiderazzjonijiet xjentifiċi, is-suċċess tad-deċiżjonijiet politiċi jiddependi ħafna minn kemm dawn jiġu aċċettati mis-soċjetà ċivili, li għandha tiġi involuta aktar mill-qrib fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-politiki tal-iżvilupp sostenibbli sabiex ikun hemm aktar trasparenza fir-rigward tal-għażliet finali u r-responsabbiltajiet li jittieħdu. |
|
1.3 |
Il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tħejjija ta’ politika ambizzjuża tal-iżvilupp sostenibbli għandha tkun strutturata tajjeb sabiex tkun effikaċi u tevita li tispiċċa strument populista. |
|
1.4 |
Fid-dawl tar-riflessjonijiet u s-suġġerimenti mressqa hawn taħt, il-KESE jitlob li l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-iskambju tal-għarfien jiġu integrati fir-reviżjoni tal-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli fl-2011 permezz ta’ pjan ta’ azzjoni, inċentivi finanzjarji u l-pubblikazzjoni tal-aħjar prattiki ta’ inizjattivi kollettivi tas-soċjetà ċivili, fost affarijiet oħra. |
|
1.5 |
Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-iżvilupp sostenibbli għandu jkollu sehem kbir fl-istrateġija tal-UE għall-2020. |
2. Is-suġġett tal-opinjoni fuq inizjattiva proprja
|
2.1 |
“Id-dinja ma writnihiex mingħand il-ġenituri tagħna, iżda qed nissellfuha mingħand uliedna”. Dan il-proverbju, li ġej mill-kultura indiġena Kanadiża tal-Haida, jirrifletti perfettament l-isfida li qed tiffaċċja l-ġenerazzjoni attwali, jiġifieri li nbiddlu l-istil ta’ ħajjitna u li jinsabu toroq ġodda għal żvilupp effikaċi mil-lat ekonomiku, ekwu mil-lat soċjali u sostenibbli mil-lat ekoloġiku, żvilupp li jassigura tqassim mill-ġdid ġust tar-rikkezzi u li jiggarantixxi lil kull ċittadin aċċess għal ħajja deċenti. |
|
2.2 |
Uħud mill-bidliet jeħtieġu inizjattivi “minn fuq għal isfel”, bħal dispożizzjonijiet leġiżlattivi, programmi ta’ investiment pubbliċi u/jew privati, eċċ. Oħrajn, min-naħa l-oħra, jirrikjedu inizjattivi “minn isfel”, jiġifieri min-naħa ta’ ċittadini konxji li huwa importanti li jagħtu l-kontribut personali tagħhom, b’mod partikolari permezz ta’ bidla fl-imġiba tagħhom u fl-istil tal-konsum tagħhom, u billi jappoġġjaw jew jieħdu sehem fl-inizjattivi u l-azzjonijiet tal-awtoritajiet li qed jaħdmu bis-sħiħ għall-iżvilupp sostenibbli. |
|
2.3 |
Il-gvernijiet u l-Unjoni jridu jagħrfu li dawn l-inizjattivi “minn isfel” huma meħtieġa biex mhux biss tinkiseb ekonomija aktar sostenibbli, iżda wkoll biex jintlaħqu l-objettivi li l-awtoritajiet politiċi stabbilixxew fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. Inizjattiva fil-livell tal-UE tista’ ċertament iġġib valur miżjud kbir permezz, fost affarijiet oħra, tal-pubblikazzjoni tal-aħjar prattiki b’rabta mal-impenji u l-inizjattivi taċ-ċittadini u tal-awtoritajiet favur l-iżvilupp sostenibbli. |
|
2.4 |
Għalhekk, l-għan ta’ din l-opinjoni huwa li tippreżenta rakkomandazzjonijiet dwar dak li tista’ tagħmel l-Ewropa sabiex iżżid l-effikaċja u n-numru tal-inizjattivi kollettivi mnedija minn korpi istituzzjonali, intrapriżi, trejdjunjins, NGOs u assoċjazzjonijiet jew membri oħra tas-soċjetà ċivili biex jiġi appoġġjat il-progress fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. |
|
2.5 |
F’din l-opinjoni, il-KESE jiżviluppa xi riflessjonijiet dwar kif jista’ jingħata kontribut aktar attiv mis-soċjetà ċivili kollha għall-iżvilupp sostenibbli u dwar it-tip ta’ strutturi qafas li għandha tistabbilixxi l-Ewropa sabiex takkumpanja u timmassimizza l-effikaċja ta’ dawn l-inizjattivi. |
3. L-isfida tas-soċjetà ċivili: li tixpruna l-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli
|
3.1 |
Bħalissa qed jissemma ħafna t-tibdil fil-klima, li mingħajr dubju ta’ xejn huwa theddida b’konsegwenzi futuri li jistgħu jkunu diżastrużi. Però dan mhux l-uniku fenomenu li jxekkel l-iżvilupp sostenibbli tas-soċjetajiet tagħna: it-telf tal-bijodiversità, id-deforestazzjoni, id-degradazzjoni tal-ħamrija, l-iskart tossiku, il-metalli tqal, is-sustanzi organiċi li jniġġsu, l-urbanizzazzjoni mingħajr kontroll, l-inugwaljanzi u l-inġustizzji soċjali, eċċ., huma lkoll problemi kbar għall-umanità. |
|
3.2 |
Sabiex jinkiseb stil ta’ ħajja sostenibbli mil-lat ekoloġiku u soċjali, jeħtieġ li wieħed ma jibqax ifittex dejjem aktar tkabbir mhux sostenibbli, u jgħaddi mill-era tal-konsum żejjed u l-ħela għall-era tal-benesseri bbażat fuq l-iżvilupp uman u soċjali. Kif jgħid il-Kunsill Ekonomiku, Soċjali u Ambjentali Franċiż, huwa importanti li l-bniedem jiġi kkunsidrat bħala ħlieqa bijoloġika u soċjali, naturali u kulturali, bħala persuna. |
|
3.3 |
Madankollu, l-imġiba ftit li xejn sostenibbli mhix fenomenu esklużivament kontempranju. Il-bniedem dejjem tratta l-ambjent b’mod “ftit li xejn sostenibbli”. Inbidlu biss id-dimensjoni u l-ħeffa tad-degradazzjoni tal-ekosistemi minħabba l-metodi tal-produzzjoni u tal-konsum. |
|
3.4 |
Inbidel ukoll il-fatt li llum il-ġurnata, bl-għarfien xjentifiku (f’termini relattivi) dwar kif jaħdmu l-ekosistemi, wieħed jista’ juri u jifhem kemm hi serja s-sitwazzjoni u jenfasizza d-diversi aspetti fl-imġiba tas-soċjetajiet tagħna li mhumiex sostenibbli. Madankollu, milli jidher, is-sinjali ċari ta’ allarm mhumiex biżżejjed biex is-soċjetà tibda tqis sew l-azzjonijiet tagħha u tadotta imġiba aktar sostenibbli u responsabbli mil-lat soċjali. |
|
3.5 |
Fil-bidu l-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli kien jindirizza biss ir-riżorsi naturali (l-eżawriment tar-riservi tal-idrokarburi fossili) u t-tniġġis (il-qerda tal-ożonu stratosferiku) permezz ta’ standards għall-emissjonijiet ta’ prodotti li jagħmlu l-ħsara jew limiti fuq l-ammont ta’ riżorsi li jistgħu jintużaw. Dan il-kunċett issa sar wieħed aktar ġenerali li jiġbor fih ukoll restrizzjonijiet relatati mat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali. B’hekk, l-iżvilupp sostenibbli jgħaqqad il-kwistjoni tal-iżvilupp ekwu tas-soċjetajiet, b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-faqar, mal-kwistjoni li ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet futuri ambjent b’saħħtu, għani u diversifikat. |
|
3.6 |
Għalhekk, matul is-snin il-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli sar wieħed ġenerali. Fil-bidu kienu fuq kollox il-movimenti ekoloġiċi li bdew jinbtu madwar id-dinja kollha li kienu qed jinkwetaw fuq l-ekosistemi. Però, sadanittant dan is-suġġett, li żviluppa fil-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli, sar element komuni tal-partiti politiċi kollha. |
|
3.7 |
Is-soċjetà ma baqgħetx passiva. Diġà jeżistu bosta ċittadini li jaħdmu ħafna għal stil ta’ ħajja sostenibbli fuq bażi individwali jew fil-kuntest ta’ azzjonijiet kollettivi. Per eżempju:
|
|
3.8 |
Fl-istess ħin, fil-livell reġjonali nħolqu organizzazzjonijiet professjonali jew assoċjattivi jew panils tar-residenti sabiex jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-iżvilupp sostenibbli, jikkomunikaw l-opinjoni tagħhom jew jieħdu azzjoni. |
|
3.9 |
Madankollu, minkejja l-attenzjoni kbira li ngħata l-kunċett mill-mezzi tax-xandir matul il-konferenza reċenti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima f’Kopenħagen, qed jintilef ħafna mill-interess fl-iżvilupp sostenibbli. Ir-raġuni għal dan hija li t-tibdil fil-klima, li huwa parti importanti waħda biss mill-iżvilupp sostenibbli, kultant qed inissi l-oqsma essenzjali l-oħra. Minbarra d-diżappunt taċ-ċittadini li kienu qed jistennew impenn formali mill-awtoritajiet politiċi, hemm ukoll ċertu xettiċiżmu fir-rigward tar-riskji reali tat-tibdil fil-klima mħeġġin minn ċerti xjentisti jew korpi politiċi li qed iqajmu d-dubju fuq kemm hi serja s-sitwazzjoni. Minħabba dan, minn naħa, qed jonqos l-entużjażmu u, min-naħa l-oħra, qed jissaħħaħ il-moviment li jinnega t-tibdil fil-klima. |
|
3.10 |
Ir-riżoluzzjoni tal-KESE “L-ebda triq lura” tat-23 ta’ Novembru 2009, ippreżentata fil-Konferenza ta’ Kopenħagen, qed tikseb importanza ġdida u hija indirizzata lis-soċjetà ċivili kollha: l-intrapriżi, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Ilkoll għandna nagħmlu sforzi sabiex jittaffa t-tibdil fil-klima u nadattaw għalih. |
|
3.11 |
Fil-fatt, fid-dawl tar-riżultat diżappuntanti tal-Konferenza ta’ Kopenħagen u tar-riskju tal-indifferenza li ġej minn dan, is-soċjetà ċivili hija mħeġġa aktar minn qatt qabel tieħu azzjoni. Kif qal il-KESE, is-soċjetà ċivili għandha tinsisti li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex taqa’ fit-tentazzjoni li tuża l-falliment ta’ Kopenħagen bħala skuża biex tnaqqas l-ambizzjonijiet jew l-impenn tagħha, iżda għandha tirdoppja l-isforzi tagħha sabiex tiżviluppa mudell ta’ żvilupp b’emissjonijet baxxi tal-karbonju li jħares ir-riżorsi naturali, filwaqt li tibbaża l-kompetittività tagħha fuq il-kapaċità tagħha li tapplika b’mod koerenti l-innovazzjoni, l-investimenti produttivi u l-kapital uman. |
|
3.12 |
M’hemmx dubju li jeżistu relazzjonijiet bejn il-qasam ambjentali, ekonomiku, soċjali u kulturali. Dan jirrikjedi approċċ interdixxiplinari li jiġbor flimkien bosta atturi b’kompetenzi u interessi differenti ħafna li jkunu mħeġġa jegħlbu l-firda istituzzjonali u settorjali u jgħaqqdu l-għarfien espert u s-sens komun tagħhom. Fil-fatt, huwa importanti li nevitaw li komponenti differenti tas-soċjetà jiġu newtralizzati u li d-deċiżjoni titħalla f’idejn ir-rappreżentanti eletti jew il-gruppi ta’ interess li huma organizzati bl-aħjar mod. |
|
3.13 |
L-inizjattivi tas-soċjetà ċivili f’dan il-qasam jistgħu jixprunaw id-deċiżjonijiet politiċi. Is-soċjetà ċivili għandha l-kapaċità li tiġbor lill-atturi u lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi flimkien, tissensibilizza s-setturi kollha tas-soċjetà sabiex dawn jibdlu l-istil ta’ ħajja tagħhom u l-mod kif jikkonsmaw u jipproduċu, u tibda inizjattivi u azzjonijiet ambizzjużi. |
4. L-istorja tad-dibattitu pubbliku dwar l-iżvilupp sostenibbli
|
4.1 |
Huwa wara l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili organizzata li d-dikjarazzjoni tal-Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (UNCED), li saret f’Rio fl-1992, introduċiet għall-ewwel darba b’mod uffiċjali lis-soċjetà ċivili fid-diskussjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli. Fost is-27 prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli stabbiliti f’din l-okkażjoni, ġie deċiż, fost affarijiet oħra, li l-pubbliku għandu jkun involut fid-deċiżjonijiet u li n-nisa, iż-żgħażagħ, il-komunitajiet lokali u l-minoranzi għandhom jaqdu rwol akbar milli qed jaqdu bħalissa. |
|
4.2 |
Kapitolu 28 tal-Aġenda 21 (programm ta’ żvilupp sostenibbli li tfassal matul is-Summit ta’ Rio) jistieden lill-awtoritajiet lokali jintegraw l-iżvilupp sostenibbli fil-programmi ta’ azzjoni tagħhom permezz ta’ “mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni tal-popolazzjoni”. |
|
4.3 |
B’hekk ingħaraf il-fatt li huwa importanti li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fl-analiżi tal-konsegwenzi tal-azzjoni pubblika, l-għażliet finali u r-responsabbiltajiet fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli. B’riżultat ta’ dan, il-partijiet ikkonċernati kollha (u fosthom il-ġenerazzjoni futura li hija assenti), b’xi mod jew ieħor, iridu jiġi involuti mill-qrib fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti. |
|
4.4 |
Minn dak iż-żmien l-organizzazzjonijiet non-governattivi, segwiti mill-intrapriżi, it-trejdjunjins, l-awtoritajiet lokali u reġonali u assoċjazzjonijiet oħra qed jitolbu posthom fid-dibattitu, ħdejn l-atturi istituzzjonali u politiċi. Huma taw bidu għal bosta azzjonijiet u inizjattivi u ressqu xi rakkomandazzjonijiet sabiex jippromovu imġiba sostenibbli. |
5. L-azzjonijiet tas-soċjetà ċivili
|
5.1 |
Il-KESE, bħala rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell tal-Unjoni Ewropea, ilu snin imħasseb dwar l-iżvilupp sostenibbli u fl-2006 ħoloq l-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli. L-għan ta’ dan l-Osservatorju huwa li jappoġġja l-kontribut tas-soċjetà ċivili fid-definizzjoni tal-politika tal-iżvilupp sostenibbli li tiġbor fiha l-interessi ambjentali, ekonomiċi u soċjali. F’dan il-kuntest, il-KESE fassal diversi opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet essenzjali fil-qasam tas-sostenibbiltà u ser ikompli jipproponi soluzzjonijiet prattiċi hekk kif għamel fl-opinjoni dwar Il-bini ta’ ekonomija sostenibbli permezz ta’ bidla fil-mudell ta’ konsum (INT/497). |
|
5.2 |
Madankollu, wieħed għandu jinnota li l-atturi istituzzjonali u politiċi għandhom aktar influwenza mis-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, ċerti azzjonijiet, li minn barra jkunu jidhru li huma maħsuba biex jippromovu l-iżvilupp sostenibbli, ikunu influwenzati minn interessi politiċi, finanzjarji jew ideoloġiċi aktar minn ambjentali, u jkunu sottomessi għar-rieda ta’ xi wħud. B’hekk jeżisti r-riskju li l-iżvilupp sostenibbli jispiċċa strument f’idejn gruppi ta’ pressjoni li jservi għanijiet li kultant ma jkollhomx x’jaqsmu mas-suġġetti inizjali. |
|
5.3 |
Però huwa diffiċli li jiġu assoċjati l-partijiet kollha. Ħafna drabi, parti mis-soċjetà ċivili ma ssemmax leħinha qabel ma jkun hemm bżonn urġenti li tinsab soluzzjoni għall-problemi, filwaqt li f’sitwazzjonijiet mhux urġenti l-ħidma titħalla iktar f’idejn il-gruppi ta’ pressjoni u protesta. |
|
5.4 |
Għalhekk jeħtieġ li mmorru lil hinn mis-sempliċi kampanji ta’ informazzjoni u nsibu l-mezzi ta’ kif niksbu demokrazija parteċipattiva bi strutturi ta’ konsultazzjoni li jolqtu lis-soċjetà ċivili kollha u li jibqgħu rappreżentattivi u attivi fit-tul filwaqt li jgħaqqdu l-problemi ambjentali, soċjali u ekonomiċi fl-attivitajiet lokali u globali. F’dan il-kuntest huwa importanti li flimkien mal-azzjonijiet globali jiġu promossi l-inizjattivi lokali, u li s-soċjetà ċivili tiġi involuta mill-qrib għax dan huwa l-aħjar mod biex dawk kollha li lejhom huma mmirati l-azzjonijiet jidentifikaw ruħhom mal-approċċi adottati. |
6. Soċjetà ċivili rappreżentattiva u attiva fit-tul
|
6.1 |
F’sistema b’governanza f’diversi livelli bħal dik tal-Unjoni Ewropea, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fid-dibattiti u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ma tistax tiġi żgurata biss permezz tal-istitutzzjonijiet rappreżentattivi eletti demokratikament. |
|
6.2 |
Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, negozjata fil-qafas tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE), tippreżenta l-prinċipji tal-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini fid-deċiżjonijiet dwar l-ambjent. Hi tikkonċerna d-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja – dan kollu fil-qasam tal-ambjent. |
|
6.3 |
Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tistabbilixxi li kull awtorità għandha tagħti l-informazzjoni kollha li jkollha dwar l-ambjent lil kull persuna li titlobha, mingħajr ma jkun hemm bżonn li din il-persuna jkollha tiġġustifika l-identità tagħha jew ir-raġuni tat-talba tagħha. Fl-opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva 2003/4/KE, il-KESE kien ikkritika li f’ċerti punti t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fil-liġi Komunitarja ma kinitx konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni msemmija, fosthom fir-rigward tal-kunċett ta’ “entità kwalifikata” li għandha s-setgħa jkollha aċċess għall-informazzjoni. Il-KESE jemmen li għandha ssir reviżjoni tad-direttiva msemmija. Barra minn hekk, il-KESE jiddispjaċih li m’hemmx bilanċ fl-applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni fil-livell tal-UE, filwaqt li l-Istati li rratifikaw il-Konvenzjoni huma obbligati jħejju rapport dwar l-applikazzjoni tagħha. |
|
6.4 |
L-ewwel u qabel kollox, jeħtieġ li tiġi definita l-popolazzjoni mmirata li ser tkun imħeġġa tipparteċipa fit-tħejjija u t-tfassil tal-politiki tal-iżvilupp sostenibbli. F’dan il-kuntest, huwa tajjeb ukoll li tittieħed deċiżjoni dwar il-proċeduri għar-reklutaġġ tal-volontarji u li jiġu stabbiliti objettivi konkreti kif ukoll il-metodoloġija u l-proċeduri tal-evalwazzjoni u tal-pubblikazzjoni tar-riżultati. |
|
6.5 |
Billi l-iżvilupp sostenibbli jikkonċerna b’mod dirett liċ-ċittadini kollha, mingħajr eċċezzjoni, il-popolazzjoni li tesprimi ruħha tkun rappreżentattiva biss jekk tkun tkopri firxa wiesgħa ta’ karatteristiċi soċjodemokratiċi u ta’ varjetà kbira ta’ għarfien espert u opinjonijiet. |
|
6.6 |
Għaldaqstant, huwa importanti li jiġu identifikati b’mod ċar il-problemi u li jiġu definiti l-objettivi prijoritarji konkreti li għandhom jinkisbu f’perijodu qasir u medju ta’ żmien, filwaqt li jitqiesu d-dimensjonijiet soċjali u kulturali tal-problemi li għandhom ikunu qrib l-interessi reali taċ-ċittadini. Dan jimplika li l-problemi għandhom jiġu kklassifikati f’ġerarkija, u jiġu indirizzati skont il-prijorità tagħhom, skont kemm huma serji l-effetti u l-ħsarat inerenti tagħhom u skont l-ispejjeż biex jiġu solvuti. |
|
6.7 |
Iċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jaraw il-parteċipazzjoni tagħhom bħala l-għoti ta’ responsabbiltà, jiġifieri ċ-ċittadini għandhom jiġu involuti fl-inizjattivi fi stadju bikri, sa mit-tfassil tal-istrateġija u tal-proġetti, u għandhom jaqdu rwol attiv f’kull fażi tal-proċess. |
|
6.8 |
F’kull stadju tad-dibattitu u t-tfittxija ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq il-kunsens, għandha tinħatar persuna fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, “medjatur tal-iżvilupp sostenibbli”, li jkollha l-esperjenza fit-tmexxija tad-dibattiti u li tkun indipendenti minn kull grupp ta’ interess. Din il-persuna għandha tkun inkarigata mill-informazzjoni, il-motivazzjoni u r-reklutaġġ ta’ dawk iċ-ċittadini li jkunu interessati u li jkunu jixtiequ jieħdu sehem. Din il-persuna għandha tieħu ħsieb il-koordinazzjoni ċentrali tal-azzjonijiet filwaqt li tara li l-fehmiet kollha jinstemgħu u li l-parteċipanti kollha jkollhom il-possibbiltà li jieħdu sehem fid-dibattitu, u tevita li jkun hemm min joħroġ barra mis-suġġett. |
|
6.9 |
Dan il-medjatur għandu jaqdi wkoll ir-rwol ta’ interfaċċja u ta’ kelliem fix-xena pubblika u fi ħdan il-mezzi tax-xandir sabiex isemma’ leħen dawk li jiddefendu l-iżvilupp sostenibbli, jara li l-informazzjoni tkun korretta u jevita li l-istampa jkollha l-monopolju fl-attenzjoni tal-pubbliku b’mod żbilanċjat. Barra minn dan, din il-gwida għandha tikkollabora mill-qrib ma’ min hu responsabbli għall-edukazzjoni fl-iskola sabiex sa minn età żgħira tinħoloq sensibilizzazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli. |
|
6.10 |
Sabiex l-akbar numru ta’ ċittadini possibbli jiġu mħeġġa jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward l-iżvilupp sostenibbli, hemm bżonn li jiġu analizzati u miġġielda dawk l-aspetti li qed joħolqu approċċ inċert u kontemplattiv min-naħa ta’ parti kbira tas-soċjetà, li qed tkun biss spettatur. |
7. Il-ġlieda kontra l-ostakli tal-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili
|
7.1 |
Il-miżuri kontra d-degradazzjoni tal-ekosistemi u favur it-tibdil fl-istil ta’ ħajja llum saru s-suġġett ta’ pjan fit-tul minflok realtà operattiva f’qasir żmien. Ħafna drabi l-isfidi għadhom qed jitqiesu bħallikieku huma problemi ambjentali li jsiru diżastrużi bil-mod il-mod, u għalissa huma negliġibbli iżda fl-aħħar mill-aħħar ser isiru drammatiċi. Din hija viżjoni “utilitarja” b’sensittività ambjentali limitata għall-ħajja ta’ kuljum u għall-effetti u l-ħsarat viżibbli, u ma tikkunsidrax ir-riskji potenzjali li ma jidhrux jew li għalissa għadhom ma seħħewx. |
|
7.2 |
Sabiex iċ-ċittadini kollha jifhmu għaliex huwa importanti li jibdlu l-imġiba tagħhom, jeħtieġ jiġu infurmati u tingħatalhom spjega b’lingwaġġ ċar li jevita t-terminoloġija speċjalizzata u sofistikata. Madankollu, m’għandhomx jintużaw slogans jew lingwaġġ emozzjonali li jieħu post ix-xjenza. |
|
7.3 |
Bis-saħħa ta’ komunikazzjoni aħjar bl-użu ta’ diversi tipi ta’ mezzi tax-xandir u b’messaġġi ċari u li jinftiehmu, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jidentifikaw ruħhom aħjar mal-problemi li jiffaċċjaw u mal-approċċi li jridu jadottaw. |
|
7.4 |
Barra minn hekk, il-messaġġi għandhom ikunu oġġettivi. Il-bumbardament taċ-ċittadini b’ċifri mhux korretti li jiġu ppreżentanti bħala fatti li ma jistgħux jinċaħdu meta fil-verità ftit li xejn ikunu kredibbli, bħad-dikjarazzjoni ta’ eks Viċi President tal-Istati Uniti li qal li f’ħames snin l-Artiku ser ikun mingħajr silġ fis-sajf, huwa kontroproduttiv. Dikjarazzjonijiet bħal dawn jispiċċaw biex joħolqu nuqqas ta’ fiduċja f’dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u jikkawżaw ċerta indifferenza lejn il-problemi reali. |
|
7.5 |
Il-profetiżmu esaġerat li jħabbar b’mod ċert diżastri drammtiċi imminenti joħloq klima ta’ biża’ kroniku li jwassal għall-egoċentriżmu u jiġġustifika l-imġiba NIMBY (not in my backyard – mhux id-dar tiegħi), li hija ta’ ħsara għall-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli. L-inizjattivi lokali kontra l-installazzjoni tat-turbini tar-riħ għaliex iħassru l-pajsaġġ jew il-ħruq bl-addoċċ tal-iskart biex jiġi evitat il-ħlas għall-ġbir kollettiv huma eżempji ċari ta’ din it-tendenza li wieħed jaħseb fl-interessi tiegħu biss. |
|
7.6 |
Din l-indifferenza hija gravi għax għalkemm il-konsegwenzi aktarx mhumiex drammatiċi daqskemm xi wħud qed jgħidu li huma, xorta waħda jeżistu problemi li jirrikjedu soluzzjoni minnufih. B’konformità mal-prinċipju tal-prekawzjoni, ikun aħjar li nirreaġixxu għal sitwazzjonijiet potenzjalment perikolużi mingħajr ma nistennew li dan il-periklu jiġi stabbilit xjentifikament. |
|
7.7 |
Għandu jiġi żgurat li r-riżultati u s-suċċessi tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini jiġu dokumentati u mxerrda barra mill-komunità tal-ispeċjalisti, għax l-eżempji tal-aħjar prattiki huma mezz eċċellenti ta’ skambju tal-progress. |
|
7.8 |
Sabiex jiġi żgurat l-impenn fit-tul tas-soċjetà ċivili, jeħtieġ li jiġu enfasizzati u pubblikati l-proposti mressqa miċ-ċittadini li ġew implimentati fil-prattika, anke jekk ma ġewx implimentati b’mod sħiħ. |
|
7.9 |
Għandhom isiru aktar sforzi fit-tiftix ta’ metodi biex tinbidel l-imġiba tal-persuni. Mezz utli ħafna huwa ċertament l-integrazzjoni tal-edukazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli fis-sistemi tat-tagħlim nazzjonali bil-għan li t-tfal jiġu sensibilizzati dwar dawn il-kwistjonijiet sa minn meta jkun żgħar. Barra minn hekk, huwa b’dan l-ispirtu li l-KESE nieda d-dibattitu dwar jekk hux possibbli li jinħoloq netwerk Ewropew tal-forums nazzjonali dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-qasam tal-enerġija nadifa. |
8. L-evalwazzjoni tal-azzjonijiet
|
8.1 |
Billi n-numru kbir ta’ atturi joħloq eteroġeneità kbira fil-forma u l-kontenut tal-azzjonijiet, dawn ftit li xejn ikunu jistgħu jitqabblu bejniethom u diffiċli li jinħoloq qafas ta’ referenza komuni għalihom. B’hekk huwa indispensabbli li l-azzjonijiet jiġu evalwati b’mod regolari fil-qafas tal-iżvilupp sostenibbli. |
|
8.2 |
Barra minn hekk, l-istrumentalizzazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli minn naħa, u r-regolamentazzjoni li kultant tkun eċċessiva żżejjed min-naħa l-oħra, jirrikjedu evalwazzjoni permanenti bbażata fuq l-indikaturi tal-progress tal-proġetti. |
9. L-indikaturi tal-evalwazzjoni
|
9.1 |
Skont il-programm ta’ azzjoni adottat f’Rio fl-1992, l-Istati jridu jadottaw sistema komuni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-progress li jsir fl-iżvilupp sostenibbli b’mod ġenerali, u fl-aġendi lokali b’mod partikolari. Iridu wkoll jiżviluppaw indikaturi aċċettati minn kulħadd fil-qasam ekonomiku, soċjali u ambjentali, li jsawru bażi siewja għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha. Dawn l-indikaturi għandhom ikunu konsenswali u għandhom jagħtu stampa rappreżentattiva tat-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli. |
|
9.2 |
L-evalwazzjoni hija bbażata fuq dijanjosi, analiżi u rakkomandazzjonijiet, u l-għan tagħha huwa li tiġġudika l-valur ta’ politika, programm jew azzjoni. Madankollu, jeħtieġ jiġi rikonoxxut li ħafna drabi huwa diffiċli li jiġu evalwati d-dimensjonijiet ambjentali, umani u soċjali. Iżda dan l-isforz għandu jsir għaliex id-dominanza tal-PDG, li s’issa ntuża bħala referenza prinċipali tal-benesseri u l-kwalità tal-ħajja, tista’ twassal biex il-politikanti jieħdu deċiżjonijiet li jkunu ta’ ħsara għall-koeżjoni soċjali u għall-ambjent, u jittraskuraw il-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri (1). |
|
9.3 |
Il-valutazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli għandha ssir billi jitqiesu żewġ tendenzi fundamentali: minn naħa, il-kapaċità għall-assorbiment u min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tal-amministrazzjoni tal-organizzazzjonijiet soċjali. |
|
9.4 |
F’opinjoni reċenti (CESE 647/2010: Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f’dinja li dejjem tinbidel; relatur: is-Sur Josef Zbořil), il-KESE jilqa’ l-isforz tal-Kummissjoni biex testendi l-ambitu tal-kontijiet nazzjonali biex iħaddnu temi ambjentali u soċjali. Il-qafas legali tal-kontabbiltà ambjentali għandu jitressaq fil-bidu tas-sena 2010. Bħalissa, l-indikaturi soċjali disponibbli fil-kontijiet nazzjonali mhumiex qed jintużaw b’tali mod li jilħqu l-potenzjali tagħhom. Wieħed jistenna li l-bżonn li jintużaw dawn l-indikaturi jibda jinħass iktar u iktar, b’tali mod li jsir progress fit-tħejjija ta’ approċċ kumpless u integrat sabiex jitkejjel u jiġi evalwat il-progress f’dinja li dejjem tinbidel. |
10. Il-metodu tal-evalwazzjoni
|
10.1 |
Il-varjetà ta’ programmi u azzjonijiet li l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali jimplimentaw biex jippromovu mġiba u stil ta’ ħajja sostenibbli titlob evalwazzjoni multidimensjonali, għaliex l-aċċettazzjoni ta’ evalwazzjoni tvarja ħafna skont iż-żoni, il-metodi u l-kriterji użati. |
|
10.2 |
Barra minn hekk, l-evalwazzjoni fil-livell tal-Istati Membri għandha tkun pluralista, bil-parteċipazzjoni tal-atturi u l-persuni kkonċernati kollha: l-awtoritajiet responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet, ir-regolaturi, il-provvedituri tas-servizzi, ir-rappreżentanti tal-konsumaturi, tat-trejdjunjins u tas-soċjetà ċivili, eċċ. L-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, minkejja li kultant ikun diffiċli li jiġi interpretat, jagħmel parti mill-politika ta’ informazzjoni, sensibilizzazzjoni u parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tal-intrapriżi, u jippermettilhom li jikkomunikaw mal-istuzzjonijiet tal-evalwazzjoni u jgħaddulhom l-ilmenti tagħhom. |
|
10.3 |
Minbarra n-natura pluralista tagħha, din l-evalwazzjoni għandha tkun ukoll indipendenti u kontradittorja għaliex mhux l-atturi kollha għandhom l-istess interessi, u saħansitra f’xi każijiet ikunu f’kunflitt, u l-informazzjoni u l-għarfien espert tagħhom ma jkunx ekwivalenti. |
|
10.4 |
L-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-prestazzjoni ambjentali, ekonomika u soċjali tal-azzjonijiet differenti favur l-iżvilupp sostenibbli ma tistax tiġi bbażata fuq kriterju wieħed, iżda għandha tintuża medda sħiħa ta’ kriterji. |
|
10.5 |
L-evalwazzjoni tkun siewja biss jekk titqies b’rabta mal-objettivi u l-missjonijiet speċifikati li jagħmlu parti mit-tliet pilastri tal-Istrateġija ta’ Lisbona (tkabbir ekonomiku, koeżjoni soċjali u protezzjoni tal-ambjent), u għalhekk għandha tkun ibbażata fuq diversi kriterji. |
|
10.6 |
Bħalma kien ippropona l-KESE għas-servizzi ta’ interess ġenerali (2), is-sistema ta’ evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq rapporti perjodiċi mfassla fil-livell nazzjonali jew lokali minn korpi ta’ evalwazzjoni mwaqqfa mill-Istati Membri skont il-prinċipji msemmija hawn fuq. |
|
10.7 |
Fil-livell tal-UE għandhom jiġu definiti l-proċeduri għall-iskambju, il-konfrontazzjoni, it-tqabbil u l-koordinazzjoni. Għalhekk, huwa f’idejn l-Unjoni li tħeġġeġ id-dinamika tal-evalwazzjoni indipendenti billi flimkien mar-rappreżentanti tal-atturi kkonċernati tfassal metodoloġija ta’ evalwazzjoni armonizzata fil-livell Ewropew fuq il-bażi ta’ indikaturi komuni. Trid tipprevedi wkoll il-mezzi għall-funzjonament tagħha. |
|
10.8 |
Sabiex l-evalwazzjoni tkun rilevanti u utli, għandu jitwaqqaf kumitat ta’ tmexxija pluralista li jirrappreżenta lill-partijiet ikkonċernati kollha. Rigward il-kumitat ta’ tmexxija, f’dan il-każ il-kompitu jidħol perfettament fil-kompetenzi tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent f’kollaborazzjoni mal-Osservatorju tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-KESE. |
|
10.9 |
Dan il-kumitat ta’ tmexxija għandu jkun responsabbli:
|
|
10.10 |
Id-dibattiti mal-partijiet ikkonċernati kollha rigward ir-rapport ta’ evalwazzjoni jistgħu jsiru f’forma ta’ konferenza annwali dwar il-prestazzjoni tal-azzjonijiet favur l-iżvilupp sostenibbli fejn jingħataw eżempji ta’ prattiki tajba. |
Brussell, 26 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(2) ĠU C 162, 25.6.2008, p. 42.
|
21.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/15 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kummerċ internazzjonali u t-tibdil fil-klima”
2011/C 21/03
Relatur: is-Sinjura PICHENOT
Nhar is-26 ta' Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Il-kummerċ internazzjonali u t-tibdil fil-klima.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta' Mejju 2010.
Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Mejju 2010 (seduta tas-26 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’154 vot favur, 4 voti kontra u 7 astensjonijiet.
1. Rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Filwaqt li tkun integrata fl-Istrateġija Ewropa 2020, politika ġdida tal-kummerċ għandha tipprovdi risposti għall-preokkupazzjonijiet ambjentali billi tevita t-tentazzjoni li jittieħdu miżuri protezzjonisti. Għandha tkun għas-servizz ta' suq aktar innovattiv u li jirrispetta aktar l-ambjent, u għandha tiffavorixxi l-benesseri soċjali. Sabiex titwettaq din l-ambizzjoni, l-UE tista’ tagħti l-eżempju billi d-direzzjoni tat-tkabbir tinbidel f’mudell b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju, u b’hekk tibqa’ fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tisħin globali. Minħabba l-impatt tat-tkabbir ekonomiku, tat-trasport u tat-tixrid tat-teknoloġiji, il-kummerċ internazjonali sar fattur essenzjali fid-dibattiti dwar it-tibdil fil-klima u tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika. |
|
1.2 |
Il-Kumitat jixtieq ħafna li fi ħdan id-WTO jkun hemm konklużjoni globali fil-kuntest tad-Doha li tiffaċilita l-kummerċ tal-oġġetti u s-servizzi ambjentali billi jitnaqqsu b’mod sinifikattiv il-barrieri tariffarji u nontariffarji. Fl-istess ħin, jemmen ukoll li l-UE għandha tadotta approċċ eżemplari billi tiffaċilita t-trasferiment tat-teknoloġiji “ekoloġiċi” fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali tagħha. |
|
1.3 |
Fil-kuntest ta' strateġija futura tal-kummerċ, il-KESE jirrakkomanda li jsiru aktar studji dwar id-dimensjoni ambjentali u soċjali tat-tibdil fil-klima, inkluż fil-ġestjoni tal-aspetti tal-ilma. Hu jinkoraġġixxi lis-soċjetà ċivili fl-Ewropa u fil-pajjiżi terzi biex, bi tħejjija għan-negozjati kummerċjali bilaterali u reġjonali, tinvolvi ruħha fl-istudji tal-impatt, b’mod partikolari fil-kapitolu tal-iżvilupp sostenibbli. |
|
1.4 |
Fir-rigward tat-trasport, il-KESE jappoġġja l-adozzjoni tal-objettivi dinjija stabbiliti mill-UNFCCC li l-emissjonijiet tat-trasport bl-ajru jonqsu b’10 % u dawk tas-settur marittimu b’20 %. Id-deċiżjoni li jinqasmu l-isforzi għat-tnaqqis ser tolqot ukoll lis-settur tat-trasport billi l-avjazzjoni ser tiġi integrata bil-mod il-mod fl-iskema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) mill-2012 ’il quddiem. Għal dan l-isforz tista’ tikkontribwixxi wkoll inizjattiva Ewropea bil-għan li tistabbilixxi objettivi ambizzjużi marbuta mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija min-naħa tat-trasport bil-baħar. |
|
1.5 |
Fid-dawl tal-inċertezza tal-Qbil ta' Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima ta' Diċembru 2009 u s-segwitu tiegħu, il-pakkett tal-enerġija u l-klima stabbilixxa li f’Ġunju 2010 għandu jiġi adottat rapport – bil-proċedura ta' kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew – li jkun fih “proposti adatti” dwar dawk is-setturi li fihom hemm ir-riskju li jiġu rilokati l-emissjonijiet tal-karbonju minħabba li huma esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali u/jew minħabba ż-żieda fl-ispejjeż b’rabta mal-prezz Komunitarju tas-CO2. Għalkemm jista’ jagħti l-każ li għadu mhux jidher għalissa, wara l-2013 r-riskju tar-rilokazzjoni mhux ser ikun jista’ jitwarrab. Dan ir-riskju mistenni jikber hekk kif l-UE żżid il-volumi ta' kwoti li jitpoġġew għall-irkant matul is-snin, filwaqt li l-pajjiżi emittenti l-kbar li mhux pajjiżi membri tal-UE jdumu ma jistabbilixxu suq għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet jew taxxa interna. |
|
1.6 |
F’qasir żmien, ir-riskju tar-rilokazzjoni għandu jiġi limitat billi tingħata prijorità liż-żieda tal-allokazzjoni ta' kwoti tal-emissjonijiet mingħajr ħlas; id-dimensjoni ta' din l-allokazzjoni tiddependi mill-progress u r-riżultati tan-negozjati multilaterali fuq it-tibdil fil-klima. Din l-allokazzjoni mingħajr ħlas – li tkun immirata lejn is-setturi sensittivi, stabbilita fuq il-bażi tal-aħjar prestazzjonijiet u marbuta mal-fatt li jiġi sodisfatt il-kriterju doppju tal-kummerċ miftuħ u taż-żieda fl-ispejjeż tal-karbonju – għandha tiġi kkunsidrata bħala waħda tranżitorja, għandha tkun imsejsa fuq bażi empirika u għandha tissodisfa r-regoli tal-kummerċ internazzjonali u tkun konformi ma' mudell b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju. |
|
1.7 |
L-aġġustament għall-fruntieri mhux ser jiġi ġġustifikat fil-livell tad-WTO sakemm l-Unjoni Ewropea tibqa’ tiffavorixxi l-allokazzjoni mingħajr ħlas – fil-fatt, l-EU ETS tista’ titqabbel ma' taxxa (u b’hekk tkun tista’ tiġi aġġustata għall-fruntieri) biss jekk il-kwoti kollha jitpoġġew għall-irkant. L-aħjar triq hija li meta tintemm l-allokazzjoni mingħajr ħlas, dawn l-aġġustamenti jintalbu b’mod tranżitorju għal numru ta' linji tariffarji, fuq il-bażi ta' riskji ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju li seħħew. Quddiem il-Korp għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO jistgħu jiġu appoġġjati biss l-aġġustamenti mmirati ħafna u bbażati fuq argumenti tajbin, bl-uniku għan li ż-żieda tat-temperatura tinżamm inqas minn 2 °C – dan huwa dak li nkiseb b’mod prinċipali f’Kopenħagen. |
|
1.8 |
Fid-dawl tal-iżvilupp kajman u inċert tal-proġetti għall-ħolqien ta' suq għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet fid-dinja, għal numru ta' snin oħra l-pajjiżi membri tal-UE ser ikunu fost il-ftit pajjiżi li stabbilixxew prezz għas-CO2. Minħabba r-riskju, li għad irid jiġi, tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju f’xi setturi Ewropej sottomessi għall-EU ETS, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrakkomanda wkoll li jiżdiedu sinifikattivament l-investimenti fit-tul maħsuba għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija, u li jinħoloq qafas ta' inċentivi previdibbli u stabbli li jippromovi l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-teknoloġiji nodfa li għadhom ma jistgħux jiġu kummerċjalizzati. |
|
1.9 |
Għalhekk, sabiex tiżviluppa ekonomija ekoloġika u żżomm ir-rwol ta' tmexxija tagħha fil-qasam, fl-interess tagħha stess u tal-klima, l-Ewropa għandha żżomm ambizzjoni għolja ta' tnaqqis progressiv biex sal-2050 jilħqu jitnaqqsu 80 % tal-emissjonijiet, b’pereżempju objettiv intermedjarju ta' minn 25 % sa 40 % bejn l-2020 u l-2030. Il-Kumitat jipproponi li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt (ambjent, impjieg u żvilupp) biex jiġu antiċipati t-tranżizzjonijiet bejn l-2020 u l-2050. |
|
1.10 |
Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima teħtieġ azzjoni kollettiva pubblika b’saħħitha fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew. Flimkien mal-pressjoni tas-suq (EU ETS), l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jistabbilixxu minnufih inċentivi finanzjarji u fiskali mmirati u jiżviluppaw l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji u servizzi “nodfa”. L-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jgħinu fl-iżvilupp tat-teknoloġiji nodfa f’każ ta' sejħa għall-offerti ta' akkwist pubbliku. |
|
1.11 |
Flimkien mal-produtturi li jemettu s-CO2, il-konsumatur ukoll huwa mħeġġeġ jaqdi r-rwol tiegħu fil-ġlieda kontra l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra, b’rabta diretta mal-kummerċ. Il-Kumitat iħeġġeġ li jiġi unifikat u stabbilizzat il-metodu li bih jitkejjel il-“karbonju” fil-prodotti, li jkopri l-istadji kollha mid-disinn ta' prodott sad-distribuzzjoni tiegħu. Għal dan il-għan, il-Kumitat jirrakkomanda li jittejbu l-analiżijiet taċ-ċiklu tal-ħajja billi jissaħħu l-istudji metodoloġiċi dwar il-“kalkolu tal-karbonju”. Jekk l-inizjattiva tal-istandards u t-tikkettar tal-kontenut ta' karbonju tibqa’ privata u deċentralizzata fi ħdan l-UE, huwa indispensabbli li jinħoloq qafas komuni għall-kejl u l-evalwazzjoni taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni jew aġenzija ddedikata għal dan ix-xogħol. |
|
1.12 |
Il-KESE jirrakkomanda li, bi tħejjija għall-ġurisprudenzi futuri tal-Korp għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO, jiġi ċċarat sa liema punt il-proċeduri u l-metodi ta' produzzjoni (PMP) jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni tal-kummerċ b’konformità mal-eċċezzjoni ambjentali (1). Jirrakkomanda li jiġi estiż il-mandat tal-Kumitat tal-Kummerċ u l-Ambjent tad-WTO bil-għan li jiġu ċċarati l-konsegwenzi ġuridiċi tal-każ tal-importazzjoni tal-gambli fl-Istati Uniti. |
2. Il-globalizzazzjoni u l-klima
|
2.1 |
Dawn l-aħħar għexieren ta' snin kienu kkaratterizzati minn espansjoni mingħajr preċendent tal-kummerċ internazzjonali (21 % tal-PDG dinji fl-2007, mingħajr mhuwa inkluż il-kummerċ intra-Ewropew), minkejja li fl-2009 l-istess kummerċ mar lura bi 12 % minħabba l-kriżi. Minħabba l-impatt tat-tkabbir ekonomiku, tat-trasport u tat-tixrid tat-teknoloġiji, il-kummerċ internazzjonali sar fattur essenzjali fid-dibattiti dwar it-tibdil fil-klima. |
|
2.2 |
S’issa l-ebda qafas teoretiku sħiħ ma jistabbilixxi jew jagħti dettalji dwar l-interferenzi kollha u r-relazzjoni kawżali bejn il-kummerċ u l-klima (2). Fir-riċerka, l-impatti tal-kummerċ fuq il-klima, u fuq l-ambjent b’mod ġenerali, jitkejlu fuq il-bażi ta' tliet fatturi varjabbli u konnessi. Il-fattur varjabbli tal-iskala: il-kummerċ jikkontribwixxi għaż-żieda fl-attività ekonomika, u għalhekk, jekk ma tiġix żviluppata t-teknoloġija attwali, iżid l-emissjonijiet. Il-fattur varjabbli tal-kompożizzjoni: minħabba r-riorganizzazzjoni ġeografika fuq il-bażi tal-vantaġġi komparattivi, jista’ jkun hemm żieda jew tnaqqis fl-emissjonijiet skont jekk il-produzzjonijiet li fihom jispeċjalizzaw il-pajjiżi bħala parti mill-globalizzazzjoni jkunux iniġġsu jew le. Il-fattur varjabbli tekniku: minħabba l-pressjoni tas-soċjetajiet ċivili bil-kompetizzjoni tal-intrapriżi u l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi, qed jiġu żviluppati teknoloġiji aktar nodfa li jnaqqsu l-emissjonijiet. L-intrapriżi Ewropej li huma sottomessi għall-EU ETS ikkontribwixxew biex l-UE tilħaq l-objettivi ta' tnaqqis li jinsabu fil-Protokoll ta' Kjoto. |
|
2.3 |
Meta jingħaddu flimkien, dawn it-tliet effetti tal-kummerċ fuq l-emissjonijiet tas-CO2 huma negattivi minħabba l-volum prevalenti ta' kummerċ li għalissa mhux ikkumpensat bit-tixird tat-teknoloġiji nodfa. Id-distanza bejn il-postijiet differenti tal-produzzjoni u dawk tal-konsum finali mhi la l-uniku fattur li għandu jitqies u lanqas il-fattur prevalenti fl-evalwazzjoni tal-karbonju. |
|
2.4 |
Madankollu, teżisti rabta speċifika bejn il-klima u l-impatt tal-kummerċ fuq it-trasport (3), u b’hekk fuq l-emissjonijiet. Illum il-ġurnata ż-żejt jirrappreżenta 95 % tal-enerġija użata mit-trasport fid-dinja, u b’hekk is-settur tat-trasport nazzjonali u internazzjonali jikkontribwixxi għall-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra (ftit inqas minn 15 % tal-emissjonijiet totali). |
|
2.5 |
Il-parti l-kbira tal-kummerċ internazzjonali jsir permezz tat-trasport marittimu (90 % tal-piż). Dan il-mezz ta' trasport jibqa’ fost l-inqas li jniġġsu f’termini ta' emissjonijiet ta' CO2 għal kull kilometru u għal kull tunnellata trasportata. Madankollu għandhom jitqiesu l-previżjonijiet tat-tkabbir. Skont l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), l-emissjonijiet tat-trasport marittimu jistgħu jittriplikaw minn issa sal-2050, speċjalment minħabba ż-żieda fil-kummerċ min-Nofsinhar għan-Nofsinhar. |
|
2.6 |
Fl-aħħar nett, it-theddida ta' kriżi tal-ilma hija konsegwenza serja oħra marbuta mat-tisħin tal-klima. Jekk ma tittiħidx azzjoni preventiva, minn issa sal-2020 nofs il-popolazzjoni dinjija tista’ tkun qed tiffaċċja r-riskju ta' nuqqas ta' ilma. Bħalissa, aktar minn 1,5 biljun abitant fid-dinja diġà m’għandhomx aċċess għall-ilma tax-xorb u faċilitajiet tad-dranaġġ. Barra minn hekk, skont il-post, il-biedja ser tbati wkoll minħabba dan in-nuqqas ta' ilma. B’hekk il-kummerċ ser isir element strateġiku għat-tiftix tal-interessi nazzjonali tas-sigurtà tal-enerġija, tal-klima u tal-ikel. Filwaqt li jikkontribwixxi għall-allokazzjoni effikaċi tar-riżorsi rari, il-kummerċ internazzjonali jista’ jillimita l-pressjoni globali fuq ir-riżorsi tal-ilma. |
3. Ir-rwol potenzjali tal-kummerċ fit-tixrid tat-teknoloġiji tal-mitigazzjoni u l-adattament tal-klima
|
3.1 |
Il-Grupp ta' Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) għamel lista ta' sensiela ta' teknoloġiji tal-mitigazzjoni u l-adattament li jistgħu jgħinu biex jingħelbu l-problemi marbuta mat-tibdil fil-klima. Xi wħud minn dawn it-teknoloġiji jidhru fin-negozjati li għaddejjin bħalissa fi ħdan id-WTO dwar l-oġġetti u s-servizzi ambjentali, bħal pereżempju t-turbini tar-riħ u tal-idroelettriku, is-sistemi tat-tisħin solari tal-ilma, iċ-ċelloli fotovoltajċi jew it-tagħmir meħtieġ għat-tħaddim tal-installazzjonijiet u tat-teknoloġiji li jużaw l-enerġiji rinnovabbli. |
|
3.2 |
Dawn in-negozjati dwar l-oġġetti u s-servizzi ambjentali fil-qafas tad-Doha jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-aċċess għall-oġġetti u t-teknoloġiji li jirrispettaw il-klima. Madankollu, għall-klima ftit li xejn jista’ jinkiseb b’mod immedjat mil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ. Għal firxa wiesgħa ta' prodotti, bħalma huwa l-każ b’mod partikolari tal-enerġiji rinnovabbli, il-barrieri tariffarji huma dgħajfa jew moderati (medja ta' 2 % fil-pajjiżi sinjuri, medja ta' 6 % fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw). Min-naħa l-oħra, l-ostakli għall-investiment u l-barrieri nontariffarji għadhom ta' tfixkil serju għat-tixrid tagħhom, fosthom l-istandards tekniċi u industrijali, ir-restrizzjonijiet amministrattivi, l-obbligu tal-preżenza kummerċjali fil-pajjiż importatur għall-fornituri tas-servizzi u r-restrizzjoni tal-attivitajiet għall-intrapriżi barranin. |
|
3.3 |
Fil-kuntest ta' strateġija futura tal-kummerċ għall-2020 prevista mill-Kummissjoni, il-KESE jemmen li din l-Opinjoni toffri elementi importanti għall-objettiv imħabbar li jinsabu “inizjattivi li jiftħu l-kummerċ għal setturi tal-ġejjieni, bħal prodotti u teknoloġiji ‘ekoloġiċi’, prodotti u servizzi ta' teknoloġija avvanzata, u dwar standardizzazzjoni internazzjonali partikolarment f’oqsma ta' tkabbir”. B’mod partikolari, il-KESE jirrakkomanda li jsiru aktar studji dwar id-dimensjoni ambjentali u soċjali tat-tibdil fil-klima, inkluż fil-ġestjoni tal-aspetti tal-ilma. Hu jinkoraġġixxi lis-soċjetà ċivili fl-Ewropa u fil-pajjiżi terzi biex, bi tħejjija għan-negozjati kummerċjali bilaterali u reġjonali, tinvolvi ruħha fl-istudji tal-impatt, b’mod partikolari fil-kapitolu tal-iżvilupp sostenibbli. |
|
3.4 |
Fir-rigward tal-ilma tax-xorb, il-kummerċ internazzjonali jista’ jintervjeni fil-qasam tat-trasferiment tat-teknoloġija (installazzjonijiet għad-desalinizzazzjoni tal-ilma baħar, l-użu mill-ġdid tad-dranaġġ u t-tekniki tat-trattament). Għaldaqstant, huwa tajjeb li dan l-aspett jiġi integrat fin-negozjati distinti kollha, li jkunu rakkomandati mill-KESE, dwar il-kummerċ tal-oġġetti u s-servizzi ambjentali. |
|
3.5 |
Fir-rigward tat-trasport, il-KESE jappoġġja l-adozzjoni tal-objettivi dinjija stabbiliti mill-UNFCCC li l-emissjonijiet tat-trasport bl-ajru jonqsu b’10 % u dawk tas-settur marittimu b’20 %. Id-deċiżjoni li jinqasmu l-isforzi għat-tnaqqis ser tolqot ukoll is-settur tat-trasport billi l-avjazzjoni ser tiġi integrata bil-mod il-mod fl-EU ETS mill-2012 ’il quddiem. Għal dan l-isforz tista’ tikkontribwixxi wkoll inizjattiva Ewropea bil-għan li tistabbilixxi objettivi ambizzjużi marbuta mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija min-naħa tat-trasport bil-baħar. |
|
3.6 |
Fost l-ostakli għat-tixrid tat-teknoloġiji nodfa u s-servizzi relatati għadha qed tidher b’mod rikorrenti l-protezzjoni msaħħa tal-proprjetà intellettwali. L-istudji juru li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, speċjalment il-privattivi, żdiedu b’mod sinifikattiv mill-aħħar tas-snin 90 ’l hawn. Għalkemm huwa minnu li bis-saħħa tal-privattivi, b’mod partikolari, id-detentur jista’ jillimita d-disponibbiltà, l-użu u l-iżvilupp tat-teknoloġiji utli għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, dawn l-istudji reċenti juru li l-proprjetà intellettwali hija kwistjoni ewlenija għall-investimenti fit-tul u l-iżvilupp ta' teknoloġiji li għadhom mhumiex disponibbli. Min-naħa l-oħra, f’qasir żmien din ma jidhirx li hi l-aktar ostaklu deċiżiv fit-tixrid tat-teknoloġiji nodfa. Il-medja tal-prezz attwali tal-privattivi fit-teknoloġiji li jistgħu jiġu kummerċjalizzati għadha pjuttost modesta. Huwa aktar importanti li jinsab rimedju għall-problemi tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni u rispett tad-drittijiet fuq il-proprjetà intellettwali, li għadhom qed jaħdmu kontra l-inkoraġġiment tal-esportazzjoni lejn ċerti pajjiżi. |
|
3.7 |
Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima teħtieġ azzjoni kollettiva pubblika b’saħħitha fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew. Flimkien mal-pressjoni tas-suq (EU ETS), l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jistabbilixxu minnufih inċentivi finanzjarji u fiskali mmirati u jiżviluppaw l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji u servizzi “nodfa” li għadhom ma jistgħux jiġu kummerċjalizzati. L-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jgħinu fl-iżvilupp tat-teknoloġiji nodfa f’każ ta' sejħa għall-offerti ta' akkwist pubbliku. |
|
3.8 |
Minħabba l-kawżalità reċiproka bejn il-kummerċ miftuħ u t-tkabbir, il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-intrapriżi u l-konsumaturi tal-pajjiżi importaturi fl-emissjonijiet għadha miftuħa. L-Ewropa u l-Istati Uniti jassorbu nofs l-esportazzjonijiet miċ-Ċina. Il-kwistjoni hija li jinsab metodu għall-“kalkolu tal-karbonju” li ma jkunx ristrett għas-sorsi primarji tal-emissjonijiet u s-setturi relatati magħhom biss, iżda jkun mifrux għall-komponenti kollha mid-disinn ta' prodott sad-distribuzzjoni tiegħu. |
|
3.9 |
Il-Kumitat jinnota li llum il-ġurnata huwa diffiċli li jitkejjel b’mod eżatt u stabbli l-kontenut f’termini ta' karbonju fi prodott minħabba d-dispersjoni u l-mobbiltà ġeografika qawwija tas-setturi globalizzati. Din id-diffikultà, li ma tistax tiġi evitata meta numru ta' attivitajiet u kompiti jitwettqu fl-istess ħin, ma tiffaċilitax id-definizzjoni ta' politiki tal-kummerċ li jkollhom l-għan li jinfurmaw u jissensibilizzaw lill-konsumaturi, bħall-inizjattivi privati tal-ittikkettar, tat-tikketta ekoloġika u taċ-ċertifikazzjoni. Il-bidla fl-imġiba u fl-għażliet individwali fi żmien ta' kriżi turi li dawn il-mekkaniżmi għandhom jiġu inkoraġġuti, iżda fil-fehma tal-Kumitat m’għandhomx jieħdu post ir-regolazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, inklużi t-taxxi fuq l-emissjonijiet fis-sors. Il-KESE jirrakkomanda li jittejbu l-analiżijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (LCA) u li jissaħħu l-istudji dwar il-punti metodoloġiċi diffiċli, b’mod speċjali dwar il-kalkolu tal-karbonju, iżda wkoll dwar l-aspetti finanzjarji marbutin mal-istabbiliment ta' proċeduri differenti għall-kalkolu tal-karbonju fil-livell ta' kull attur li jkun involut f’settur partikolari. |
|
3.10 |
Kull politika ambjentali effikaċi għandha tagħmel distinzjoni bejn il-prodotti skont il-proċeduri u l-metodi ta' produzzjoni (PMP). It-tranżizzjoni lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju tista’ ssir biss jekk ikun possibbli li jiġu distinti l-prodotti manifatturati b’metodi li ma tantx jemettu gassijiet b’effett ta' serra. Dan ifisser li għandhom jiġu appoġġjati ċerti tekniki u mhux oħrajn. Jekk il-konsumaturi stess jagħmlu distinzjoni bejn l-oġġetti skont il-mod – ekoloġiku jew le – li bih jiġu prodotti, tkun tista’ tinbidel ir-relazzjoni ta' kompetizzjoni u wieħed ikun jista’ jiddeċiedi bejn żewġ prodotti manifatturati b’mod differenti. |
|
3.11 |
F’dinja fejn il-prezz tas-CO2 huwa divrenzjat, il-kwistjoni tax-xebh tal-prodotti – li huwa kunċett ċentrali tad-WTO – ma tistax tiġi evitata fid-dibattiti dwar il-kummerċ u l-klima. Il-KESE jirrakkomanda li, bi tħejjija għall-ġurisprudenzi futuri tal-Korp għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO, jiġi ċċarat sa liema punt il-proċeduri u l-metodi ta' produzzjoni (PMP) jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni tal-kummerċ b’konformità mal-eċċezzjoni ambjentali (4). Jirrakkomanda li jiġi estiż il-mandat tal-Kumitat tal-Kummerċ u l-Ambjent tad-WTO bil-għan li jiġu ċċarati l-konsegwenzi ġuridiċi tal-każ tal-importazzjoni tal-gambli fl-Istati Uniti. |
4. Ir-rabtiet bejn il-kompetittività u l-klima
|
4.1 |
In-negozjati dwar il-kummerċ u l-klima jsiru fuq livelli differenti: tal-ewwel jinvolvu politiki u miżuri għat-tul, filwaqt li tal-aħħar jaħdmu fuq effetti aktar immedjati. Il-kumplessità tar-relazzjonijiet bejn il-politiki tal-kummerċ u tal-klima ġejja mill-fatt li dawn il-perijodi jirkbu fuq xulxin. Il-miżuri b’rabta mal-klima jista’ jkollhom effetti fuq il-kummerċ f’qasir żmien, filwaqt li l-miżuri b’rabta mal-kummerċ għandhom biss impatt fuq il-klima f’perijodu twil ta' żmien. |
|
4.2 |
Fid-dinja ideali, is-CO2 għandu prezz wieħed li jakkumpanja l-ekonomiji tad-dinja fit-triq tat-tkabbir b’inqas emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra, mingħajr ma jinħolqu diskriminazzjonijiet jew distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-pajjiżi. Il-qagħda attwali tad-diskussjonijiet dwar it-tibdil fil-klima turi li din id-dinja ideali mhix ser tinħoloq mil-lum għal għada. Għal ħafna snin oħra l-prezz tas-CO2 fid-dinja mhux ser ikun l-istess, jiġifieri bejn EUR 20 u EUR 30 kull tunnellata skont il-livell medju tiegħu mbassar fi ħdan iż-żona Ewropea, filwaqt li fil-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi jew reġjuni l-oħra huwa żero. |
|
4.3 |
Il-KESE jirrikonoxxi li, f’din id-dinja imperfetta, ir-riskji li tintilef il-kompetittività u li jiġu rilokati l-emissjonijiet tal-karbonju (migrazzjoni ta' industriji li jemettu l-gassijiet b’effett ta' serra lil hinn minn pajjiżi u reġjuni fejn is-CO2 huwa intaxxat b’rata ogħla) jikkonċernaw l-ewwel u qabel kollox il-grupp ta' pajjiżi li jimpenjaw ruħhom l-aktar fil-qasam tat-tassazzjoni tas-CO2, jiġifieri l-Ewropa. It-tfassil u l-implimentazzjoni ta' ftehimiet settorjali internazzjonali ilhom jiġu diskussi f’dibattiti miftuħa għal aktar minn għaxar snin. Però baqa’ ma ntlaħaqx kunsens, u dawn id-dibattiti għadhom ma ngħalqux iżda għadhom qed jiġu esplorati għall-industriji li jikkonsmaw ħafna enerġija. L-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli bi prezz tajjeb u n-netwerks intelliġenti jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex jiġu limitati r-riskji li tintilef il-kompetittività. |
|
4.4 |
Il-Kumitat jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni (5) li hija konformi mal-istqarrija ta' Marzu 2010, li skontha l-intrapriżi Ewropej għandu jkollhom l-istess kundizzjonijiet fil-konfront tal-kompetituri barranin. F’qasir żmien is-setturi esposti għar-riskju ta' rilokazzjoni għandhom jingħataw, skont in-negozjati multilaterali dwar it-tibdil fil-klima, iżjed allokazzjonijiet mingħajr ħlas li jistgħu jilħqu l-100 % fil-bidu tal-perijodu ta' wara Kjoto (2013-2014). |
|
4.5 |
Fit-tul, fil-fażi meta l-kwoti kollha jitpoġġew għall-irkant u li fiha l-prezz tal-kwoti jista’ jiġi assimilat f’taxxa, il-miżuri tal-aġġustament għall-fruntieri jistgħu jikkumpensaw għall-problemi tat-telf tal-kompetittività kkawżati mill-isforzi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet li fl-Ewropa huma ħafna ogħla minn dawk tal-imsieħba kummerċjali tagħha. Kemm jekk ikunu fil-forma ta' taxxa fuq l-importazzjoni, ta' mekkaniżmu għall-inklużjoni tal-karbonju fil-fruntieri, jew ta' obbligu li l-importaturi Ewropej jixtru krediti tal-emissjoni fi ħdan l-iskema Komunitarja għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet jew l-EU ETS, magħrufa wkoll bħala s-“suq Ewropew tal-karbonju”, dawn il-mekkaniżmi jistgħu jkunu t-tweġibiet għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż klimatiċi tal-attività ekonomika tas-setturi sottomessi għall-EU ETS. |
|
4.6 |
L-istudji wrew li t-telf tal-kompetittività u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju ma jidhrux sinifikattivi matul l-ewwel żewġ fażijiet tal-implimentazzjoni tal-EU ETS. Bejn l-2005 u l-2012, l-allokazzjonijiet ta' kwoti tal-emissjonijiet huma ġenerużi u fil-biċċa l-kbira mingħajr ħlas (6). Billi ma jeżistix suq dinji tal-karbonju, li jibqa’ s-soluzzjoni ideali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-iżvilupp ta' sistemi differenti ta' limitu u skambju tad-drittijiet tal-emissjoni skont is-sistema Ewropea jew ta' sistemi oħra ta' limitu u skambju li huma effikaċi daqsha. Jirrakkomanda li jiġu studjati d-diffikultajiet u s-soluzzjonijiet kollha għall-armonizzazzjoni ta' dawn is-sistemi fuq il-bażi tal-integrazzjonijiet reġjonali, u li jitqiesu l-fluttwazzjonijiet fis-sistema tal-kambju. |
|
4.7 |
Jeżisti r-riskju li tintilef il-kompetittività u jiġu rilokati l-emissjonijiet tal-karbonju matul it-tielet fażi tal-EU ETS (2013-2020), li fiha huwa previst li tidħol bil-mod il-mod is-sistema tal-allokazzjoni bl-irkant u li kull sena jibdew jonqsu l-kwoti tal-emissjonijiet disponibbli sabiex jintlaħaq l-objettiv li sal-2020 l-emissjonijiet jonqsu b’20 % meta mqabbla ma' dawk tal-1990. Eventwalment, fl-2025100 % tal-kwoti ser jitpoġġew għall-irkant, b’livell minimu ta' 70 % sal-2020. Li kieku nżammet il-mira li l-emissjonijiet jitnaqqsu bi 30 %, ikun aħjar li jerġgħu jiġu eżaminati l-livelli ta' emissjonijiet li jitpoġġew għall-irkant sabiex jiġu adattati fid-dawl tar-riżultati tal-pajjiżi l-oħra li ffirmaw il-Qbil ta' Kopenħagen. |
5. It-tweġiba Ewropea: il-pakkett tal-enerġija u l-klima u l-impatt tiegħu fuq il-kummerċ
|
5.1 |
Fil-kuntest tar-riskju li tintilef il-kompetittività u li jiġu rilokati l-emissjonijiet tal-karbonju minħabba li l-kwoti bil-mod il-mod qed jitpoġġew għall-irkant u minħabba l-limitu tal-emissjonijiet fl-2020, fil-pakkett tagħha dwar l-enerġija u l-klima l-Kummissjoni pproponiet tweġiba b’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi għandhom jiġu identifikati s-setturi esposti fuq il-bażi ta' żewġ kriterji: l-intensità tal-kummerċ (ftuħ għall-kummerċ barra mill-Ewropa) u l-impatt tal-prezz tas-CO2. L-ewwel lista tas-setturi “sensittivi” ġiet stabbilita f’Diċembru 2009 u ser tiġi riveduta kull ħames snin. Il-Kummissjoni eżaminat bejn 200 u 300 settur (7). Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrakkomanda li mill-2013, dawk is-setturi li jissodisfaw iż-żewġ kriterji flimkien tal-prezz tas-CO2 u l-intensità kummerċjali biss ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-allokazzjoni tas-CO2 mingħajr ħlas fuq il-bażi ta' sistemi ta' referenza komuni għall-prestazzjoni. F’eżami preliminari ġew identifikati numru żgħir ta' setturi. B’konformità ma' din l-eżiġenza, il-Kumitat jinnota li 11-il settur (8) biss issodisfaw iż-żewġ kriterji flimkien tal-prezz tas-CO2 u tal-intensità kummerċjali. |
|
5.2 |
Il-Qbil ta' Kopenħagen, li mhux legalment vinkolanti u ftit li xejn huwa ambizzjuż, għadu ferm ’il bogħod mir-riżultat mixtieq mill-KESE fid-dikjarazzjoni tiegħu ta' Novembru 2009. Barra minn hekk, billi dan il-Qbil tfassal fil-forma ta' dikjarazzjoni u m’għandux valur legali bħal trattat, ma jsolvix il-kwistjoni tal-ġejjieni tal-Protokoll ta' Kjoto. Madankollu, għandu l-vantaġġ li joffri l-ewwel bażi għar-reġistrazzjoni u l-paragun tal-isforzi nazzjonali għall-mitigazzjoni. Fl-anness ta' dan il-Qbil, l-Ewropa żammet l-offerta kundizzjonali tagħha li tnaqqas 30 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra jekk il-pajjiżi industrijalizzati l-oħra jintrabtu li jagħmlu sforzi komparabbli. |
|
5.3 |
Fid-dawl tal-livell ta' impenn tal-pajjiżi industrijalizzati l-oħra, l-Ewropa tista’ tagħżel li żżomm mal-objettiv ta' 20 %. B’hekk tkun qed tagħżel li tillimita l-problemi ta' telf tal-kompetittività u ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju li jistgħu jiffaċċjaw is-setturi Ewropej sottomessi għall-iskema Ewropea għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. Però din l-għażla ma teliminax għalkollox il-kwistjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għal żewġ raġunijiet:
|
|
5.4 |
Minħabba li l-offerta tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet bi 30 % fl-2020 hija marbuta mal-kundizzjoni tal-isforzi u l-impenji min-naħa tal-pajjiżi l-oħra, l-Ewropa qed tiddependi minn ftehim multilaterali ipotetiku biex tibdel għalkollox it-triq tal-iżvilupp tagħha lejn mudell b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju u b’hekk jirnexxilha tiddividi l-emissjonijiet tagħha f’erbgħa sal-2050. Irrispettivament minn kull kundizzjoni u objettiv ta' din ix-xorta, fl-Amerika u ċ-Ċina d-“dekarbonizzazzjoni” progressiva tal-ekonomija qed issir skont loġika unilaterali minn isfel għal fuq permezz tal-investiment u l-innovazzjoni. Sa ċertu punt, il-Qbil ta' Kopenħagen huwa mħatra fuq it-teknoloġija. Imħatra li għandha tieħu wkoll l-Ewropa. |
|
5.5 |
Għalhekk, sabiex tiżviluppa ekonomija ekoloġika u żżomm ir-rwol ta' tmexxija tagħha fil-qasam, fl-interess tagħha stess u tal-klima, l-Ewropa għandha żżomm ambizzjoni għolja ta' tnaqqis progressiv biex sal-2050 jilħqu jitnaqqsu 80 % tal-emissjonijiet, pereżempju b’objettiv intermedjarju ta' minn 25 % sa 40 % bejn l-2020 u l-2030. Il-Kumitat jipproponi li jsiru valutazzjonijiet tal-impat (ambjent, impjieg u żvilupp) biex jiġu antiċipati t-tranżizzjonijiet bejn l-2020 u l-2050. |
|
5.6 |
L-iffissar ta' dan l-objettiv temporanju għandu jkun akkumpanjat minn miżuri regolatorji u fiskali li jiffavorixxu ż-żieda tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji nodfa. Kif tenfasizza l-Komunikazzjoni Ewropa 2020 tal-Kummissjoni (9), in-nefqa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa tinsab taħt it-2 %, filwaqt li fl-Istati Uniti din hija ta' 2,6 % u fil-Ġappun ta' 3,4 %, prinċipalment bħala riżultat ta' livelli aktar baxxi ta' investiment privat. Dawn il-livelli ta' nefqa fir-riċerka u l-iżvilupp mhux koerenti mal-objettivi tal-Unjoni (3 %) u l-isfidi tal-klima. Sabiex titwettaq din it-triq, il-Kumitat jipproponi li jsiru studji tal-impatt (ambjent, impjieg u żvilupp) bil-għan li jiġu antiċipati t-tranżizzjonijiet għall-istadju li jmiss tal-2020 u għall-istadji ta' wara (2030, 2040, 2050). |
|
5.7 |
Fiż-żewġ każi, għażla kawta jew għażla ambizzjuża, il-pajjiżi membri tal-UE qed jirriskjaw li għal numru ta' snin oħra jkunu fost il-ftit pajjiżi li stabbilixxew prezz għas-CO2 (f’livell mhux ta' min jinjorah) permezz tas-suq għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet. Mingħajr ma tirrinunzja għall-ambizzjonijiet multilaterali għoljin għall-konferenzi tal-partijiet (COP) li jmiss fil-Messiku (2010) u fl-Indja (2011), l-Ewropa m’għandhiex tirriskja li tittraskura l-politiki minn isfel għal fuq (bottom up) tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-investiment. Però, jekk tiffoka biss fuq l-effett tas-suq tal-karbonju, l-UE tkun qed tirriskja li ma tagħtix kas politiki siewja oħra għall-promozzjoni tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-investiment. Il-pjani differenti ta' rilanċ fl-Ewropa, meta mqabbla mal-Asja u l-Amerika, diġà ma laħqux dan l-objettiv. |
|
5.8 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrakkomanda b’mod diskret li r-rilokazzjoni tal-karbonju tiġi indirizzata b’approċċ pragmatiku. L-allokazzjoni mingħajr ħlas, li diġà hija mifruxa sew, għandha tkompli tiġi ppreferuta b’konformità mal-għażliet strateġiċi tal-Unjoni. L-aġġustament għall-fruntieri mhux ser jiġi ġġustifikat fil-livell tad-WTO sakemm l-Unjoni Ewropea tibqa’ tiffavorixxi l-allokazzjoni mingħajr ħlas – fil-fatt, l-EU ETS tista’ titqabbel ma' taxxa (u b’hekk tkun tista’ tiġi aġġustata għall-fruntieri) biss jekk il-kwoti kollha jitpoġġew għall-irkant. L-aħjar triq hija li meta tintemm l-allokazzjoni mingħajr ħlas, dawn l-aġġustamenti jintalbu b’mod tranżitorju għal numru ta' linji tariffarji, fuq il-bażi ta' riskji ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju li seħħew. Quddiem il-Korp għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO jistgħu jiġu appoġġjati biss l-aġġustamenti mmirati ħafna u bbażati fuq argumenti tajbin, bl-uniku għan li ż-żieda tat-temperatura tinżamm inqas minn 2 °C – dan huwa dak li nkiseb b’mod prinċipali f’Kopenħagen. |
|
5.9 |
F’perijodu medju ta' żmien, din l-għażla titlob il-finanzjament konsegwenti ta' politika Ewropea għall-mitigazzjoni. Din inbdiet permezz tal-proġetti pilota dwar il-qbid u l-ħżin tal-karbonju, li jinkludu kumitat ta' segwitu dwar l-investimenti u l-qsim tal-proprjetà intellettwali. It-tnedija ta' miżuri temporanji għall-aġġustament tista’ tkun kredibbli biss jekk magħha jkun hemm politika tal-innovazzjoni bil-għan li tfittex is-soluzzjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli. |
Brussell, 26 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) L-Artikolu XX tad-WTO. L-Artikolu XX tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) jipprevedi l-possibbiltà ta' eżenzjoni mir-regoli tal-kummerċ ħieles jekk dawn il-miżuri jkunu ġġustifikati mill-ħarsien tal-ambjent.
(2) Commerce et changement climatique (Il-kummerċ u t-tibdil fil-klima), WTO u UNEP, Ġunju 2009.
(3) CESE 461/2010 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) Ara nota 16 f’qiegħ il-paġna.
(5) Direttiva 2009/29/KE, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63.
(6) L-ewwel fażi tal-EU ETS (2005-2007) kienet fażi pilota ta' tagħlim li ppermettiet l-istabbiliment tal-prezz tal-karbonju, tal-iskambju ħieles tal-kwoti tal-emissjonijiet fl-UE kollha kif ukoll tal-infrastruttura neċessarja biex jiġu sorveljati, dikjarati u ċċekkjati l-emissjonijiet reali tal-intrapriżi kkonċernati. It-tieni fażi (2008-2012) tikkoinċidi mal-ewwel perijodu tal-impenn tal-Protokoll ta' Kjoto – perijodu ta' ħames snin li matulhom l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jilħqu l-objettivi tagħhom tal-emissjonijiet definiti mill-Protokoll. Minħabba l-allokazzjoni żejda tal-kwoti matul l-ewwel fażi, il-prezzijiet tas-CO2 waqgħu fil-ftuħ tat-tieni fażi. L-allokazzjoni żejda f’ċerti setturi matul it-tieni fażi għadha tippersisti.
(7) Skont l-Artikolu 10a(15) tad-Direttiva 2003/87/KE, “settur jew subsettur għandu jitqies li jkun espost għal riskju ta' rilaxx tal-karbonju jekk it-total tal-ispejjeż addizzjonali diretti u indiretti minħabba l-implimentazzjoni ta' dik id-Direttiva jwassal għal żieda sostanzjali fl-ispiża tal-produzzjoni, ikkalkulata bħala proporzjon tal-valur gross miżjud, ta' mill-inqas 5 %; kif ukoll l-intensità tal-kummerċ f’pajjiżi terzi, definita bħala l-proporzjon bejn il-valur totali tal-esportazzjonijiet għal pajjiżi terzi magħdud mal-valur tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u d-daqs totali tas-suq għall-Unjoni (il-fatturat annwali miżjud mal-importazzjoni totali minn pajjiżi terzi), tkun ogħla minn 10 %”. Dawn is-setturi huma: il-manifattura tal-lamtu u l-prodotti li fihom il-lamtu, il-manifattura taz-zokkor, il-manifattura ta' xarbiet oħra nondistillati u ffermetati, il-produzzjoni tal-alkoħol mill-etanu minn materjali ta' fermentazzjoni, il-manifattura ta' karti u paperboard, il-manifattura ta' prodotti rfinuti tal-petrolju, il-manifattura ta' ħġieġ ċatt, il-manifattura ta' ħġieġ vojt, il-manifattura ta' madum taċ-ċeramika, il-manifattura ta' tubi tal-ħadid imdewweb, il-produzzjoni ta' ċomb, żingu u landa. Jekk ma' dawn iż-żewġ kriterji jiżdied il-kriterju ta' żieda ta' 30 % jew il-ftuħ tal-kummerċ b’aktar minn 30 %, il-lista tiżdied għal 16-il settur ieħor, jiġifieri total ta' 27.
(8) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24.12.2009, notifikata bid-dokument C(2009) 10251 (1), ĠU L 1, 5.1.2010, p. 10-18.
(9) COM(2010) 2020 “EWROPA 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”
|
21.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/21 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN”
2011/C 21/04
Relatur: is-Sur Claudio CAPPELLINI
Nhar l-26 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Mejju 2010. Ir-relaturi kien is-Sur Claudio Cappellini.
Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 (seduta tas-26 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’163 vot favur u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE jisħaq fuq l-importanza ċentrali u l-bżonn ta’ relazzjonijiet imġedda u iktar inċisivi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-ASEAN. Għalhekk, din l-opinjoni ssegwi fuq opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar l-istess kwistjoni (1), li sa minn għaxar snin ilu kienu diġà bdew jisħqu fuq kemm hu importanti għall-UE li tiffoka iktar fuq l-Asja tax-Xlokk. Huma ġibdu l-attenzjoni wkoll lejn il-kontribut fundamentali li setgħet tagħti l-UE għall-integrazzjoni reġjonali fl-Asja.
1.2 Il-KESE jinnota madanakollu li l-progress mixtieq fid-djalogu bejn l-UE u l-ASEAN għadu ma nkisibx. Minkejja l-isforzi finanzjarji u oħra li saru għall-promozzjoni ta’ djalogu strutturat bejn l-UE u l-ASEAN u negozjati bilaterali f’bosta oqsma (ta’ politika, kooperazzjoni, kummerċ, eċċ), ir-riżultati konkreti huma fjakki u d-djalogu mas-soċjetà ċivili u bejnha qed jopera f’livell iktar baxx mill-potenzjal li għandu. Dawn l-aħħar għaxar snin ħadu x-xejra ta’ opportunità mitlufa iktar milli perijodu li fih żviluppat sħubija ma’ reġjun meqjus bħala wieħed strateġiku għall-interessi tal-UE fid-dinja (2). In-negozjati kummerċjali huma xempju ta’ din is-sitwazzjoni. Filwaqt li l-UE u l-ASEAN qablu li jissospendu n-negozjati, l-ASEAN ikkonkludiet ftehimiet kummerċjali ma’ entitajiet prinċipali ġeoekonomiċi oħra (iċ-Ċina, l-Indja, l-Awstralja u għaddejin negozjati mal-Istati Uniti, il-Korea t’Isfel u l-Ġappun).
1.3 Illum il-ġurnata f’ambjent internazzjonali tant differenti, fejn ir-regoli politiċi u ekonomiċi huma iktar b’saħħithom milli kienu għaxar snin ilu iżda fejn hemm ukoll opportunitajiet ġodda għall-integrazzjoni u d-djalogu, din l-opinjoni tar-REX għandha l-għan li tressaq numru ta’ proposti prattiċi għal tnedija mill-ġdid tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN.
1.4 Il-Kumitat jerġà jisħaq li garanziji ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u jikkonformaw mat-tmien Konvenzjonijiet tal-ILO li jiġbru fihom l-istandards prinċipali tax-xogħol huma prerekwiżiti assoluti sabiex isir progress fis-sħubija reġjonali. Fil-każ tal-Mjanmar, il-kwistjoni tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem hija ostaklu li ma jistax jingħeleb għall-bidu tan-negozjati mal-pajjiż hekk kif enfasizza l-Parlament Ewropew f’Jannar 2008. Il-KESE madanakollu jilqa’ l-fatt li n-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-ASEAN qed jistabbilixxu għanijiet iktar ambizzjużi minn dawk ta’ ftehimiet kummerċjali oħra mal-ASEAN, b’mod speċjali fejn jidħlu standards tax-xogħol, tal-ambjent u tad-djalogu soċjali (3). Minn dan il-lat, l-approċċ bilaterali (ara punt 4.2.2) għandu jitqies bħala l-ewwel pass lejn ftehimiet reġjonali u multilaterali kummerċjali u mhux opportunità sabiex dawn jitwarrbu. Fl-Opinjoni tiegħu dwar in-negozjati dwar il-ftehimiet il-ġodda tal-kummerċ (CESE 773/2008) f’April 2008, il-Kumitat għamilha ċara li kemm f’dawn il-ftehimiet kif ukoll f’negozjati oħra previsti fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Ewropa Globali”, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi li s-27 konvenzjoni elenkati fis-sistema GSP Plus “għandhom jiffurmaw il-bażi minima tad-diskussjoni dwar il-kapitlu tal-iżvilupp sostenibbli, fin-negozjati attwali mal-pajjiżi Ażjatiċi”. Dan kien jinkludi l-pajjiżi tal-ASEAN. Madankollu, l-Opinjoni għarfet li din il-kundizzjoni “għandha tiġi evalwata każ b’każ”. Din l-opinjoni għamlitha ċar ukoll li l-ftehimiet bilaterali (ara l-punt 1.2) “għandhom jitqiesu bħala fatturi li huma kompatibbli mal-multilateraliżmu u li eventwalment ser issaħħuh”.
1.5 L-esperjenza wriet il-vantaġġi kemm tal-kooperazzjoni kif ukoll tad-djalogu mal-imsieħba internazzjonali f’bosta partijiet tad-dinja. Huma jippermettu fehim reċiproku u approċċ iktar effettiv huma u jiġu indirizzati l-isfidi u l-problemi li jridu jiġi solvuti. Għalhekk, il-KESE jisħaq fuq il-bżonn ta’ iktar parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili (fil-livell tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi terzi) fil-valutazzjonijiet tal-impatt tas-sostenibbiltà soċjoekonomika tal-ftehimiet tal-kummerċ ħieles mal-pajjiżi tal-ASEAN. Hemm bżonn tal-involviment tagħhom ukoll sabiex tiġi eżaminata l-vulnerabbiltà tal-gruppi soċjali l-iktar esposti għall-kompetizzjoni, il-bżonn tal-bini tal-kapaċità tas-soċjetà ċivili u l-ħolqien ta’ żvilupp sostennibbli fid-djalogu strutturat UE-ASEAN. Importanti li nisħqu fuq il-fatt li r-relazzjonijiet mal-UE kienu iktar effettivi fil-pajjiżi tal-ASEAN fejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma iktar b’saħħithom (bħall-Indonesja, it-Tajlandja u l-Filippini). L-isfida issa hija li jinstabu mezzi iktar effettivi ta’ kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma l-iktar dgħajfa f’pajjiżi oħra tar-reġjun.
1.6 Il-KESE jispera u lest li jaħdem mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE f’dan il-qasam sabiex iħeġġeġ u jiffaċilità djalogu msaħħaħ mas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi tal-ASEAN u jikkontribwixxi l-għarfien espert tiegħu għal dan il-għan, b’mod partikolari fejn jidħlu l-iktar gruppi vulnerabbli. Din il-ħidma tista’ tiġi faċilitata u msaħħa jekk titwettaq f’kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib mas-servizz diplomatiku l-ġdid għar-relazzjonijiet esterni tal-UE.
1.7 Il-Kumitat isejjaħ għat-tnedija ta’ pjattaforma integrata u inklużiva tal-organizzazzjonijiet soċjali UE-ASEAN għall-appoġġ ta’ temi prinċipali fil-proċess ta’ integrazzjoni interreġjonali kif ukoll għall-appoġġ tal-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-bżonnijiet tas-soċjetà ċivili lokali b’mod partikolari fil-pajjiżi fejn organizzazzjonijiet bħal dawn huma l-iktar dgħajfa. Dan l-istrument ġdid għall-kooperazzjoni bejn l-atturi tas-soċjetà ċivili UE-ASEAN jippromovi strateġija integrata għall-bini tal-kapaċità permezz tal-iskambju tal-esperjenza dwar studji ta’ każijiet speċifiċi u bosta aspetti tal-proċess ta’ integrazzjoni bħad-djalogu soċjokulturali, il-kooperazzjoni fix-xjenza u l-produzzjoni, is-servizzi ta’ interess ġenerali u l-ġestjoni tal-kriżi.
1.8 Għal dan il-għan il-Kumitat jirrakkomanda valutazzjoni tal-vijabbiltà li titwaqqaf Fondazzjoni Ewropea, possibbilment bl-involviment tal-Fondazzjoni ASEAN (4) u/jew il-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF) (5), bil-għan speċifiku ta’ djalogu soċjali, ċivili, professjonali u interkulturali UE-ASEAN. Programm realistiku annwali tal-attivitajiet jista’ imbagħad jippermetti monitoraġġ utli fl-istituzzjonijiet Komunitarji interessati.
1.9 Fil-perijodu qasir, il-Kumitat jissuġġerixxi wkoll l-introduzzjoni ta’ “rapport annwali” dwar l-istat attwali għall-mudelli u s-sistemi parteċipatorji fl-ASEAN sabiex jiġi evalwat il-progress li sar, b’oqsma ta’ enfasi speċifiċi bħas-sigurtà tal-ikel, l-ilma u s-saħħa. Ir-rapport jippermetti screening u monitoraġġ regolari tal-attivitajiet implimentati fil-livell lokali u b’hekk tiġi promossa d-dimensjoni soċjokulturali. Dan jista’ jiffaċilita wkoll tqabbil bejn mudelli u azzjonijiet simili implimentanti mill-organizzazzjonijiet internazzjonali prinċipali bħall-FAO u atturi internazzjonali oħra (eż. l-Istati Uniti u l-Ġappun).
1.10 Fl-aħħar, għall-promozzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni istituzzjonali bejn l-imsieħba soċjali, il-Kumitat jissuġġerixxi li jitwaqqaf djalogu permanenti bejn l-uffiċċjali u d-delegati tal-ASEAN għall-KESE sabiex jinħolqu opportunitajiet regolari ta’ diskussjonijiet u kooperazzjoni istituzzjonali inkluż b’rabta mal-avvenimenti prinċipali tal-organizzazzjoni u l-mumenti prinċipali fid-djalogu strutturali UE-ASEAN u ASEM. Pereżempju l-Kummissjoni għandha tippromovi djalogu permanenti bejn ir-rappreżentanti tal-ASEAN, fil-livelli kollha, u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea (u dawk nazzjonali li huma kkonċernati) abbażi ta’ programm ta’ azzjoni komuni u realistiku (eż. dibattitu dwar l-opinjonijiet tal-KESE dwar l-Istati Membri tal-ASEAN). Ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet għandhom joħolqu bażi għal forom ta’ valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva faċli jiftiehmu fil-lingwi tal-UE u l-ASEAN kollha. Forum UE-ASEAN f’dan il-qasam, promoss mill-KESE jista’ jkun ta’ interess għal bosta istituzzjonijiet u entitajiet pubbliċi u privati.
2. ASEAN: karatteristiċi u storja
2.1 Sa mit-twaqqif tagħha l-ASEAN żviluppat gradwalment u fi stadji biex biż-żmien assumiet forma differenti u iktar kumplessa. Minkejja li twaqqfet matul il-ġeopolitika tal-Gwerra l-Bierda għal raġunijiet ta’ stabbiltà reġjonali sabiex in-nazzjonijiet indipendenti l-ġodda jingħataw il-leġittimità u jiġi promoss il-multilateraliżmu, l-ASEAN gradwalment estendiet il-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali, li inizjalment kienet ekonomika u kummerċjali, għal forma iktar avvanzata ta’ integrazzjoni istituzzjonali, politika u ekonomika u soċjokulturali, parzjalment b’reazzjoni għall-kriżi ekonomika tal-1997.
2.2 Wara li ġew konklużi t-Trattati ta’ Ruma iżda wisq iktar reċentement wara l-introduzzjoni tal-munita unika u t-tkabbir fl-Ewropa tal-Lvant, l-UE saret “sors naturali ta’ ispirazzjoni” għall-ASEAN, u d-djalogu strutturat UE-ASEAN influwenza l-iżviluppi iktar reċenti fl-integrazzjoni tal-Asja tax-Xlokk. Il-Karta tal-ASEAN tal-15 ta’ Diċembru 2008 (6) tat personalità ġuridika lill-assoċjazzjoni. Fl-14-il summit tal-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-ASEAN fl-2009, l-ASEAN fasslet pjan ta’ rotta għat-twaqqif ta’ suq komuni sal-2015. Il-Komunità ASEAN għalhekk ħolqot għaliha struttura mibnija fuq tliet pilastri, il-Komunità Ekonomika (AEC), il-Komunità tas-Sigurtà Politika (APSC) u l-Komunità Soċjokulturali (ASCC) (7).
2.3 L-implimentazzjoni tal-Komunità Ekonomika seħħet wara l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ taħt l-AFTA (il-Ftehim tal-ASEAN dwar il-Kummerċ Ħieles) u tal-investiment fiż-żona tal-ASEAN fil-qafas tal-ftehim AIA (Żona tal-Investiment tal-ASEAN) b’deroga ta’ ħames snin għall-Kambodja, il-Laos, il-Mjanmar u l-Vjetnam (KLMV) (8). Il-Komunità tas-Siġurtà Politika hija essenzjalment kwistjoni ta’ djalogu intergovernattiv. Il-kooperazzjoni soċjokulturali tikkonċerna prinċipalment kooperazzjoni fl-edukazzjoni, l-iżvilupp tar-riżorsi umani, l-ICT, l-impjieg pubbliku, il-benesseri, it-tnaqqis tal-faqar, is-sigurtà tal-ikel, il-prevenzjoni u l-monitoraġġ ta’ mard jittieħed, il-ġestjoni ttad-diżastri naturali, il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, tan-nisa u dawk li għandhom bżonnijiet partikolari, u l-ħarsien tal-ambjent.
2.4 It-tisħiħ istituzzjonali tal-ASEAN ġie akkumpanjat minn rwol internazzjonali ikbar. Fl-1 ta’ Jannar 2010, daħlu fis-seħħ il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-Awstralja, in-New Zealand, iċ-Ċina u l-Indja. Iż-żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-ASEAN, l-Awstralja u New Zealand (AANZFTA) tipprovdi għal kummerċ ħieles tal-oġġetti (99 % tal-prodotti prinċipali mill-Indonesja, il-Malasja, il-Filippini u l-Vjetnam), is-servizzi u l-investiment.
2.5 Iż-żona ta’ kummerċ ħieles bejn iċ-Ċina u l-ASEAN (CAFTA) abolixxiet id-dwana fuq 7000 grupp ta’ prodotti (madwar 90 % tat-tariffi doganali) u ħolqot suq integrat għal popolazzjoni ta’ madwar 1.9 biljun b’volum ta’ kummerċ ta’ madwar 4.5 biljun dollaru. Perijodu ta’ transizzjoni li jispiċċa fl-2015 ingħata wkoll għall-pajjiżi tal-KLMV.
2.6 Il-Ftehim dwar il-Kummerċ tal-Oġġetti bejn l-ASEAN u l-Indja (TIG) jipprovdi għal liberalizzazzjoni gradwali tat-tariffi għal iktar minn 90 % tal-oġġetti inklużi “prodotti speċjali” bħaż-żejt tal-palm, il-kafé, it-té u l-bżar. L-istess f’dan il-każ, il-ftehim jistabbilixxi suq integrat kbir għal popolazzjoni ta’ iktar minn 1.8 biljun.
2.7 L-ASEAN għandha wkoll relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni politika u ekonomika privileġġjata mal-Korea t’Isfel, il-Ġappun, iċ-Ċina (ASEAN+3) u l-Istati Uniti li, kif nafu, għandha interessi strateġiċi fil-Paċifiku tax-Xlokk u diġà kkonkludiet ftehim ta’ kummerċ ħieles mas-Singapor. Il-proposta tal-President Obama (in-negozjati ilhom għaddejjin minn Marzu li għadda) għall-espansjoni tas-Sħubija Trans-Paċifika (TPP) (li attwalment tiġbor fiha l-Brunej, iċ-Ċili, in-New Zealand u s-Singapor) għall-Istati Uniti kif ukoll l-Awstralja, il-Peru u l-Vjetnam għandha interess strateġiku partikolari.
3. Ir-relazzjonijiet UE-ASEAN: is-sitwazzjoni attwali
3.1 Ir-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji bejn iż-żewġ entitajiet ġeoekonomiċi jirriflettu l-importanza tar-relazzjonijiet UE-ASEAN. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “L-Ewropa Globali: kompetizzjoni dinjija” (2006) tidentifika l-ASEAN bħala suq prijoritarju minħabba l-potenzjal sinifikanti tat-tkabbir tiegħu. Bejn l-2004 u l-2008, in-negozju bejn l-UE u l-ASEA fl-oġġetti u s-servizzi kiber b’iktar minn 25 % u laħaq EUR 175 biljun fl-2008 (data tad-DĠ Kummerċ).
3.2 L-ASEAN hija t-tielet imsieħeb kummerċjali tal-UE wara l-Istati Uniti u ċ-Ċina minn fejn ġejjin 7 % tal-importazzjoni totali. Il-bilanċ kummerċjali tal-UE mal-ASEAN juri defiċit ta’ madwar EUR 25 biljun fl-2008 (data tal-Eurostat). L-UE timporta l-iktar makkinarju (EUR 29.2 biljun fl-2008) u prodotti agrikoli (EUR 12.4 biljun fl-2008). Is-settur tas-servizzi madanakollu juri bilanċ pożittiv fil-kummerċ (+EUR 2.6 biljun fl-2007, data tal-Eurostat).
3.3 Fir-rigward tal-investiment, matul il-perijodu 2005-2007, il-flussi kapitali bejn l-UE u l-ASEAN żdiedu b’200 % (valur totali ta’ EUR 105.4 biljun, data tal-Eurostat). L-investituri Ewropej jikkontribwixxu madwar 27 % tal-IBD fl-ASEAN, il-maġġoranaza ta’ liema tmur lejn is-Singapor (65 %), segwita mill-Malasja (9 %), it-Tajlandja, l-Indonesja, il-Brunej u l-Vjetnam (5-7 % kull wieħed) u 1 % biss imur lejn pajjiżi oħra. Madanakollu fl-istess perijodu kien hemm żieda sinifikanti fil-flussi bejn l-ASEAN u l-UE minn EUR 29.7 għal EUR 43.6 biljun fl-2007 (data tal-Eurostat). Madanakollu 85 % tal-flussi esterni mill-ASEAN ġejjin minn żewġ pajjiżi biss, is-Singapor u l-Malasja (9).
3.4 Minkejja li żdiedu r-relazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji, is-swieq tal-ASEAN għadhom jimponu ostakli tariffarji u nontariffarji sinifikanti. It-tneħħija ta’ dawn l-ostakli permezz ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-ASEAN ikun ifisser benefiċċji ċari għall-UE b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi. Dan ikun ta’ vantaġġ anki għall-ASEAN fejn minkejja li l-impatt ivarja minn pajjiż għal ieħor, it-tendenza ġenerali hija li livell ogħla ta’ integrazzjoni jġib miegħu iktar benefiċċji (ara TSIA, DĠ Kummerċ) (10).
3.5 In-negozjati kummerċjali li bdew f’Lulju 2007 bejn l-UE u seba’ pajjiżi tal-ASEAN li ma jaqgħux taħt il-kategorija tal-iktar pajjiżi foqra (11) twaqqfu wara ftehim reċiproku f’Marzu 2009. Id-diversità sinifikanti bejn l-imsieħba fl-ASEAN mil-lat ekonomiku (huma jvarjaw fejn jidħol żvilupp uman, l-għomor tal-ħajja, il-livelli ta’ faqar u l-prijoritajiet fil-qasam tal-infiq pubbliku) u l-firxa ta’ politiki kummerċjali iżda wkoll differenzi politiċi kbar (anki jekk titqies biss id-dittatorjat militari u l-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar) kienu ostakli għan-negozjati kummerċjali li ma setgħux jingħelbu. Dwar dan, il-KESE jżomm mal-istess pożizzjoni tal-Parlament Ewropew li f’Jannar 2008 qal li mhux tal-fehma li jiġi konkluż ftehim kummerċjali mal-Mjanmar taħt ir-reġim militari attwali.
3.6 Hekk kif l-isforzi sabiex jinħolqu rabtiet ekonomiċi u kummerċjali eqreb bdew jogħsfru fix-xejn, ir-relazzjonijiet politiċi u istituzzjonali bejn l-UE u l-ASEAN – għalkemm fuq livell intergovernattiv – reġgħu bdew jitjiebu. Fost l-eżempji nsibu l-Programm ta’ Appoġġ għall-Integrazzjoni Reġjonali UE-ASEAN (fażi I u fażi II) (12), l-Inizjattiva Kummerċjali Transreġjonali UE-ASEAN (TREATI) (13) u l-Istrument ta’ Djalogu Reġjonali UE-ASEAN (READI) (14).
3.7 Barra minn dawn il-ftehimiet, iż-żewġ organizzazzjonijiet ikkonkludew ukoll dikjarazzjoni konġunta dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (l-14-il Laqgħa Ministerjali ASEAN-UE fl-2003) (15) u matul is-16-il Laqgħa Ministerjali ASEAN-UE f’Nuremburg fil-15 ta’ Marzu 2007 adottaw pjan konġunt ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni ta’ sħubija mtejba (Pjan ta’ Azzjoni ta’ Nuremberg 2007–2012).
3.8 L-UE u l-ASEAN iżommu kooperazzjoni politika bejniethom fil-forma ta’ laqgħat konġunti bejn il-ministri barranin u l-uffiċjali għolja tagħhom. Is-17-il Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin UE-ASEAN li saret f’Phnom Penh, il-Kambodja bejn is-27 u t-28 ta’ Mejju 2009 u serviet ta’ opportunità biex jiġu evalwati l-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Nuremburg u biex jiġu indirizzati kwistjonijiet emerġenti (bħar-reċessjoni globali u r-riskji relatati mal-pandemika A/H1N1). Dan wassal għall-“Aġenda Phnom Penh” li stabbilixxiet prijoritajiet u għanijiet għall-2009–2010.
3.9 Minkejja li ma jagħmlux parti mid-djalogu UE-ASEAN, ta’ min jissemmew l-esperjenzi pożittivi tal-ASEM (il-Laqgħa bejn l-Asja u l-Ewropa) li attwalment hija l-kanal prinċipali għar-relazzjonijiet multilaterali bejn l-Ewropa u l-Asja (16). Barra s-summits bijennali intergovernattivi (17), l-ASEM tospita il-Forum taċ-Ċittadini Asja-Ewropa, is-Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa u l-Forum tan-Negozju Asja-Ewropa, kif ukoll netwerk online ta’ kooperazzjoni xjentifika għall-edukazzjoni u l-komunitajiet ta’ riċerka, in-Netwerk ta’ Informazzjoni Trans-Eurasia (18).
4. Temi ewlenin tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN
4.1 Mingħajr l-ebda pretensjonijiet li qed ikopri kollox, il-KESE jemmen li jkun utli li l-attenzjoni tiġi ffokata fuq għadd ta’ oqsma prijoritarji u kwistjonijiet kruċjali u li huma meqjusa strateġiċi għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN fil-ġejjieni bil-għan li jiġu provduti linji gwida u possibbiltajiet għal azzjoni konkreta.
4.2 Kif diġà ġie nnotat, in-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-ASEAN bħalissa huma sospiżi. Sabiex iżżomm l-impenn tagħha fir-rigward tar-reġjun, l-UE nediet ftehimiet kummerċjali bilaterali ma’ xi stati membri tal-ASEAN (bdiet mis-Singapor u l-Vjetnam).
4.2.1 Huwa ċar li l-pajjiżi tal-ASEAN għadhom differenti ħafna mil-lat politiku u istituzzjonali (l-ASEAN tinkludi stati demokratiċi, demokratiċi moderati, stati awtoritarji kif ukoll dittaturi militari bħal tal-Mjanmar), kif ukoll mil-lat ekonomiku (pereżempju: hemm differenza ċara fl-indikaturi kollha tal-iżvilupp soċjoekonomiku bejn l-ekonomiji tal-ASEAN-6 u l-erba’ pajjiżi ġodda tal-KLMV). Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet tal-ASEAN (is-segretarjat u l-presidenza) m’għandhomx mandat ta’ negozjar. L-ispiża soċjali tal-integrazzjoni ekonomika qawwija għall-pajjiżi tal-KLMV hija kkunsidrata b’kawzjoni (19).
4.2.2 Madanakolli l-għażla tan-negozjati bilaterali tibqa’ t-tieni l-aħjar għażla disponibbli u l-pajiiżi tal-ASEAN innifishom ikkritikaw bl-aħrax l-esklużjoni ta’ ċerti pajjiżi (il-Mjanmar, il-Kambodja u l-Laos) min-negozjati. Barra minn hekk, il-bżonn li nippromovu negozjati verament reġjonali huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-preżenza tal-Ewropa fir-reġjun u biex jiġi faċilitat djalogu ikbar maċ-Ċina fid-dawl tar-rabtiet mill-qrib bejn l-ekonomiji tar-reġjun. Minn dan il-lat, it-tnedija ta’ negozjati bilaterali mal-pajjiżi tal-ASEAN għandha titqies biss bħala l-ewwel pass lejn sħubija reġjonali usa’ kemm fid-dawl tal-importanza li għandha l-Asja fil-bilanċi politiċi u ekonomiċi internazzjonali u indirettament fir-relazzjonijiet UE-Ċina, u kemm fid-dawl tal-għan li n-nazzjonijiet tal-Asja tax-Xlokk iwaqqfu suq komuni sal-2015, għan li l-UE tappoġġja kemm teknikament kif ukoll finanzjarjament.
4.3 L-UE bħalissa qed tinnegozja ftehimiet speċifiċi għal kooperazzjoni usa’ mal-pajjiżi tal-ASEAN (Ftehimiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni) u tappoġġja l-Inizjattiva għall-Integrazzjoni tal-ASEAN (IAI) u l-inizjattivi għal żoni ta’ tkabbir sottoreġjonali (20). Barra minn hekk, il-kooperazzjoni ssaħħet ukoll fl-oqsma tal-edukazzjoni u tat-taħriġ professjonali bil-għan ewlieni li jogħlew l-istandards tat-tagħlim u jiġu promossi t-tagħlim tal-lingwi u l-użu tat-teknoloġiji moderni tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (21).
4.3.1 Peress li s-sigurtà tal-ikel hija kwistjoni sensittiva, l-UE beħsiebha wkoll issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-FAO fil-qasam. Il-FAO diġà kkooperat mal-ASEAN fit-tfassil ta’ Qafas Integrat tas-Sigurtà tal-Ikel (AIFS) tal-ASEAN u l-Pjan Strateġiku għas-Sigurtà tal-Ikel (SPA-FS) korrispondenti u attwalment qed twettaq studji f’għaxar pajjiżi dwar l-impatt tal-kriżi fuq is-sigurtà tal-ikel fir-reġjun. Il-FAO qed taħdem ukoll fuq Memorandum ta’ Ftehim mal-ASEAN sabiex tifformalizza r-relazzjonijiet reċiproċi u tiffaċilita l-assistenza teknika fil-qasam tas-sigurtà tal-ikel fir-reġjun.
4.3.2 Fid-dawl tal-vulnerabbiltà soċjoekonomika tar-reġjun għal xokkijiet esterni u effetti addizzjonali li l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles ser ikollhom fuq il-vulnerabbiltà ta’ ċerti stati membri u gruppi soċjali li huma l-iktar esposti għall-kompetizzjoni, għandha tingħata iktar attenzjoni mill-qrib lil ċerti aspetti tal-kooperazzjoni ekonomika inkluż fejn jidħol skambju ta’ għarfien ma’ istituzzjonijiet u ċentri ta’ riċerka internazzjonali.
4.4 Il-kooperazzjoni politika bejn l-UE u l-ASEAN għadha ferm intergovernattiva u qed tiżviluppa permezz ta’ laqgħat regolari (bijennali) bejn il-ministri tal-affarijiet barranin u l-uffiċċjali għolja. Dawn il-laqgħat ministerjali madanakollu għenu lill-partiti jsibu punti komuni fil-politika barranija. L-UE pereżempju talbet aċċess għat-Trattat tal-ASEAN ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u, f’dan ir-rigward, l-ASEAN qablet li testendi t-Trattat għall-entitajiet sovranazzjonali.
4.4.1 Il-kooperazzjoni soċjokulturali għall-perijodu 2009-2013 hija rregolata mill-Aġenda ta’ Phnom Penh, li tistabbilixxi objettivi komuni li għandhom jinkisbu fl-oqsma tas-sigurtà tas-saħħa, ix-xjenza u t-teknoloġija, it-taħriġ professjonali u l-ħarsien tal-wirt artistiku u kulturali. Madanakollu, anke fil-qasam tal-kooperazzjoni soċjali, l-involviment tas-soċjetà ċivili paradossalment għadu modest. Fil-fatt, attwalment m’hemmx biżżejjed korpi biex jesprimu bis-sħiħ il-bżonnijiet tal-imsieħba soċjali u l-istennijiet tagħhom u taċ-ċittadini l-oħra fir-rigward tas-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri għal kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN (22).
4.4.2 Fir-rigward tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, għandna nilqgħu t-twaqqif reċenti (permezz tad-dħul fis-seħħ tal-Karta tal-ASEAN) tal-Kummissjoni Intergovernattiva tal-ASEAN dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Għalkemm dan il-korp m’għandux setgħat ta’ infurzar jew ta’ sanzjoni (tal-inqas għalissa) u għaldaqstant huwa inkarigat mill-promozzjoni, aktar milli mis-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem, dan huwa, bla dubju, l-ewwel pass lejn ħarsien aktar komprensiv tad-drittijiet tal-bniedem, kompitu li l-organizzazzjoni ser tintalab tiggarantixxi fis-snin li ġejjin. Il-Kumitat madanakollu jenfasizza li minħabba s-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fil-Mjanmar mhuwiex possibbli li n-negozjati jittieħdu l-quddiem mad-dittatorjat militari attwali fil-pajjiż.
Brussell, 26 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) EXT/132 tal-1996; EXT/153 tal-1997.
(2) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “L-Ewropa Globali: kompetizzjoni dinjija” COM567 (2006) finali.
(3) Minkejja li huwa impossibbli li jitqabblu ż-żewġ sitwazzjonijiet, Kapitolu 13 tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u t’Isfel jista’ jservi ta’ mudell utli ta’ referenza.
(4) Il-Fondazzjoni ASEAN twaqqfet fil-15 ta’ Novembru 1997 f’Kuala Lumpur matul is-Summit Kommemorattiv f’għeluq it-30 Anniversarju tal-Assoċjazzjoni. Hija timmira li tippromovi l-għajxien u l-benesseri tal-popli tal-Asja tax-Xlokk kif ukoll fehim aħjar tal-vantaġġi tal-integrazzjoni reġjonali permezz ta’ kuntatt bejn in-nies u kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet soċjali u akkademiċi.
(5) Il-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF) twaqqfet fi Frar 1997 mill-pajjiżi tal-ASEM.Hija tippromovi d-djalogu u l-kooperazzjoni bejn in-nazzjonijiet Asjatiċi u Ewropej permezz ta’ skambji intellettwali, kulturali u bejn il-persuni bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet.
(6) Ara l-Karta tal-ASEAN, is-Singapor, 20 ta’ Novembru 2007. Dan it-Trattat kostituzzjonali li jikkonsisti fi preambolu, 13-il kapitlu u 55 artikolu huwa l-qafas bażiku tal-assoċjazzjoni.
(7) Ara l-ASEAN Economic Community (AEC) Blueprint, (is-Singapor, 20 ta’ Novembru 2007), l-ASEAN Political-Security Community Blueprint (Cha-Am, 1 ta’ Marzu 2009) u l- Blueprint for the ASEAN Socio-Cultural Community (Cha-Am, 1 ta’ Marzu 2009).
(8) KLMV huwa l-akronomu għall-membri l-iktar reċenti tal-organizzazzjoni (il-Kambodja, il-Laos, il-Mjanmar u l-Vjetnam).
(9) Ħdax mit-tmintax-il kumpanija multinazzjonali fl-ASEAN fost l-ewwel 100 fil-livell internazzjonali jinsabu fis-Singapor u l-Malasja (data tal-UNCTAD).
(10) DĠ Kummerċ, Trade Sustainability Impact Assessment (TSIA) of the FTA between the EU and ASEAN, Ġunju 2009, TRADE07/C1/C01 – Lot 2.
(11) L-Indonesja, il-Malasja, is-Singapor, il-Brunej, it-Tajlandja, il-Filippini u l-Vjetnam.
(12) Il-Programm ta’ Appoġġ għall-Integrazzjoni Reġjonali UE-ASEAN (APRIS I) li ġie ffirmat f’Jakarta f’Settembru 2003 b’kontribut ta’ EUR 4.5 miljun sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Programm ta’ Azzjoni ta’ Vientiane, l-implimentazzjoni tal-ASEAN Single Window għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri tad-dwana, it-tnaqqis tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ, l-allinjament ta’ standards ta’ kwalità fir-reġjun u l-assistenza teknika lis-segretarjat tal-ASEAN. L-għanijiet prinċipali tal-APRIS II (ara Il-Programm ta’ Appoġġ għall-Integrazzjoni Reġjonali UE-ASEAN (APRIS) – Fażi II, Jakarta, Novembru 2006) madanakollu huma: fir-rigward tal-kummerċ, il-promozzjoni tal-allinjament tal-istandards tal-ASEAN mal-istandards internazzjonali; fir-rigward tal-investiment, il-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni sabiex titħaffef it-tneħħija tal-ostakli għad-dħul u l-moviment ħieles tal-kapital fir-reġjun; u fil-livell istituzzjonali, il-promozzjoni tat-tisħiħ tal-Mekkaniżmu għar-Riżoluzzjoni tat-Tilwim tal-ASEAN u li s-segretarjat tal-ASEAN jingħata għajnuna sabiex jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tiegħu. APRIS II jirregola l-perijodu 2006-2009 u l-kopertura finanzjarja tiegħu hija garantita minn impenn inizjali tal-UE ta’ EUR 8.4 miljun.Fl-2007 ittieħed impenn addizzjonali ta’ EUR 7.2 miljun bħala appoġġ għall-inizjattivi fil-qafas ta’ APRIS II b’enfasi speċjali fuq il-ksib ta’ standards komuni għal pajjiżi fir-reġjun fis-setturi tal-agroalimentazzjoni, l-elettronika, il-kosmetika u l-prodotti tal-injam.
(13) Programm ta’ assistenza teknika li l-UE impjenat ruħha li tipprovdi lin-nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja sabiex tiffaċilita l-ksib tal-miri ta’ integrazzjoni tal-ASEAN tal-istandards agroalimentazzjoni u l-prodotti industrijali u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ. Ara l-Inizjattiva Kummerċjali Transreġjonali UE-READI jkopri l-oqsma non-kummerċjali kollha tal-kooperazzjoni u jippromovi d-djalogu politiku fis-settur ta’ interess komuni bħas-soċjetà tal-informazzjoni, il-bidla fil-klima, is-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, l-impjieg, l-affarijiet soċjali, l-enerġija, ix-xjenza u t-teknoloġija.ASEAN, Luang Prabang, 4 ta’ April 2003.
(14) READI jkopri l-oqsma non-kummerċjali kollha tal-kooperazzjoni u jippromovi d-djalogu politiku fis-settur ta’ interess komuni bħas-soċjetà tal-informazzjoni, il-bidla fil-klima, is-sigurtà fl-avjazzjoni ċivili, l-impjieg, l-affarijiet soċjali, l-enerġija, ix-xjenza u t-teknoloġija.
(15) Ara l-Joint Declaration on Cooperation to Combat Terrorism, Brussell, 27-28 ta’ Jannar 2003.
(16) L-45 imsieħba attwali tal-ASEM jirrappreżentaw nofs il-PDG dinji, kważi 60 % tal-popolazzjoni globali u 60 % tal-kummerċ globali (data tal-Kummissjoni Ewropea).
(17) It-8 summit ser isir fi Brussell f’Ottubru u ser jiffoka fuq it-“Titjib tal-Kwalità tal-Ħajja”.
(18) Il-proġett TEIN3 (http://www.tein3.net/) jippromovi l-kooperazzjoni xjentifika bejn 8 000 ċentri ta’ riċerka u istituzzjonijiet akkademiċi fir-reġjun tal-Asja tal-Paċifiku u l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti mal-kontropartijiet tagħhom fl-Ewropa. Il-kooperazzjoni telematika bejn ir-riċerka Ewropea u Asjatika hija żgurata permezz tal-konnettività man-netwerk GÉANT.
(19) B’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar it-trattament speċjali u differenzjali adottat mid-WTO, l-UE hija preparata tqis id-diversi livelli ta’ żvilupp fil-pajjiżi msieħba. Jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-esportazzjonijiet minn Laos u l-Kambodja diġà jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE taħt l-inizjattiva “Everything but Arms”.
(20) Bħalissa għaddejin ħames proġetti konġunti fuq baġit totali ta’ EUR 55.5 miljun.
(21) Għandha tingħata prijorità lil proġetti ta’ taħriġ professjonali, trasport, enerġija u żvilupp sostenibbli. Ara l-Istrument Reġjonali ta’ Djalogu bejn l-UE u l-ASEAN, Kuala Lampur, 2005.
(22) L-unika eċċezzjoni (parzjali) huwa n-Netwerk tan-Negozju tal-UE u l-ASEAN ibbażat fi Brussell, stabbilit fl-2001 biex jippromovi r-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-partijiet ikkonċernati.
|
21.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/26 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-28 reġim – alternattiva li tippermetti inqas regolamentazzjoni fil-livell Komunitarju” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 21/05
Relatur: is-Sur PEGADO LIZ
Nhar is-16 ta' Lulju 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
It-28 reġim – alternattiva li tippermetti inqas regolamentazzjoni fil-livell Komunitarju.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-30 ta' Marzu 2010.
Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Mejju 2010 (sessjoni tas-27 ta' Mejju 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’124 vot favur, 8 voti kontra u 20 astensjoni.
1. Osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Reċentement, f’bosta okkażjonijiet u matul diversi avvenimenti, bosta vuċijiet mis-soċjetà ċivili qajmu l-kwistjoni dwar jekk reġim fakultattiv jistax jiġi adottat bħala alternattiva għall-mod tradizzjonali ta' kif tiġi armonizzata l-leġiżlazzjoni f’oqmsa speċifiċi u b’hekk jiġi regolat b’mod sħiħ kull tip ta' relazzjoni legali, b’mod partikolari l-kuntratti ċivili.
1.2 Bdew isiru wkoll referenzi f’bosta dokumenti tal-Kummissjoni u tal-PE għall-użu possibbli tal-hekk imsejjaħ it-28 reġim, b’mod partikolari b’relazzjoni ma' suġġetti importanti fejn kien mistenni li l-armonizzazzjoni sħiħa mixtieqa mhux ser tkun faċli biex tinkiseb jew saħansitra ma tkunx tista’ tinkiseb.
1.3 Il-KESE f’bosta opinjonijiet esprima l-appoġġ tiegħu għal studju dettaljat ta' dan il-mekkaniżmu u l-applikazzjoni possibbli tiegħu f’ oqsma speċifiċi.
1.4 Apparti l-ħidma li beda l-KESE fl-opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu dwar il-“Kuntratt Ewropew ta' Assigurazzjoni” (1) u mmexxija mill-Grupp tal-Proġett “Definizzjoni mill-Ġdid tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew ta' Assigurazzjoni ” bil-pubblikazzjoni reċenti “Prinċipji tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew ta' Assigurazzjoni (PEICL)” fil-kuntest tal-eżerċizzju “Qafas Komuni ta' Riferiment”, kienu ftit l-okkażjonijiet fejn ġie adottat approċċ simili minn leġiżlatur Ewropew fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji, tal-proprjetà intellettwali u l-liġi internazzjonali.
1.5 Madanakollu s’issa għadha ma saret l-ebda diskussjoni dettaljata dwar in-natura, l-għan, il-qafas legali, l-oqsma ta' applikazzjoni, il-vantaġġi u d-diffikultajiet ta' strument bħal dan u l-kontribut li jista’ jagħti fit-tlestija tas-suq uniku.
1.6 Għalhekk u b’konformità mal-opinjoni dwar l-approċċ proattiv tal-liġi (2) l-KESE ddeċieda li jfassal din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja akkumpanjata minn seduta pubblika fejn ir-rappreżentanti tal-partijiet interessati, l-akkademiċi, l-uffiċjali pubbliċi minn Stati Membri differenti u l-Kummssjoni kellhom l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom.
1.7 B’kunsiderazzjoni tal-materjal miktub u l-opinjonijiet li ġew espressi matul dawn l-aħħar snin u b’mod partikolari dawk li ħarġu waqt is-seduta, il-KESE jagħraf li għandhom jitqiesu xi parametri fundamentali fid-definizzjoni u t-tfassil ta' reġim fakultattiv li joffri vantaġġi f’termini ta' “regolamentazzjoni aħjar” u ta' ambjent regolatorju ssemplifikat, faċli jinftiehem u faċli jintuża.
1.8 Ir-reġim fakultattiv għandu għalhekk:
|
a) |
jitqies bħala “t-tieni reġim” f’kull Stat Membru biex b’hekk il-partijiet ikollhom l-għażla bejn żewġ reġimi ta' dritt kuntrattwali domestiku; |
|
b) |
jiġi definit fil-livell tal-UE u jinħareġ f’liġi fir-regolamenti tal-UE; |
|
c) |
jiffaċilita l-interazzjoni bejn il-partijiet fil-proċess tal-abbozzar; |
|
d) |
jiġbor fih dispożizzjonijiet ta' liġi obbligatorja li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-parti dgħajfa, li jkunu minn tal-anqas jixbhu lil dawk li jipprovdu r-regoli obbligatorji tal-UE jew dawk nazzjonali u li jkunu applikabbli fejn hemm bżonn; |
|
e) |
jillimita l-għażla tal-partijiet għal strument sħiħ biex tiġi evitata l-possibbiltà li dawn jisiltu każijiet li mhumiex rappreżentattivi (cherry picking); |
1.9 Il-KESE ppropona għażliet ġodda għal diskussjoni fil-futur dwar bażi legali possibbli għall-implimentazzjoni ta' dan il-mekkaniżmu tar-regolamentazzjoni. L-idea hi li l-għażla tal-bażi legali tiddependi mill-qasam ta' applikazzjoni tagħha.
1.10 Il-KESE elabora l-bosta vantaġġi tal-użu ta' dan l-istrument, pereżempju:
|
a) |
L-istrument jippermetti lill-partijiet li jidħlu f’kuntratt li jwettqu tranżazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea kollha abbażi ta' reġim wieħed tad-dritt kuntrattwali. L-ostakli għas-suq intern, bħall-ispejjeż u r-riskji legali li jinħolqu mid-differenzi bejn is-sistemi legali nazzjonali, ser jiġu eliminati b’mod awtomatiku; |
|
b) |
Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu titħalla f’idejn is-suq u għalhekk ser jingħażel biss meta l-partijiet interessati jqisu li sa jkun ta' vantaġġ; |
|
c) |
Il-kultura legali individwali ta' kull Stat Membru mhux se tintlaqat, u għalhekk ikun iktar aċċettabbli fix-xena politika; |
|
d) |
Billi huwa mfassal tajjeb u implimentat mir-regoli tal-UE, huwa jippermetti lill-partijiet jużawh anke f’sitwazzjonijiet purament domestiċi; |
|
e) |
Il-qrati ma jistgħux iqisuh bħala liġi “barranija” magħżula. Għaldaqstant, japplikaw prinċipji bħal dak ta' “iura novit curia” (il-qorti taf il-liġi) u l-aċċess għall-Qrati Supremi nazzjonali kif ukoll għall-QĠE ma jkunx limitat, bħalma sikwit jiġri meta jiġu applikati liġi barranija jew prinċipji ġenerali. Bl-istess mod, l-istituzzjonijiet li joffru mekkaniżmi ta' tressiq ta' lmenti barra mill-qrati u mekkaniżmi ta' rimedju ma jistgħux jirrifjutaw li jisimgħu każ billi jargumentaw li jkun qed jitressaq quddiem liġi barranija. |
1.11 Il-KESE huwa konxju mid-diffikultajiet tal-implimentazzjoni tiegħu:
|
a) |
ir-relazzjoni bejn l-istrument fakultattiv u l-Liġi Internazzjonali Privata Ewropea, speċjalment rigward ir-regoli dwar il-politika pubblika nazzjonali (ordre public – Artikolu 21, Ruma I Regolament 593/2008); |
|
b) |
anke strument settorjali fakultattiv jirrikjedi sett ta' prinċipji ġenerali tal-liġi privata; |
|
c) |
strument fakultattiv li jkopri biss kwistjonijiet relatati mal-liġi privata ma jistax ikopri l-problemi tal-liġi fiskali; |
|
d) |
il-konsumaturi għandhom jiġu informati b’mod adegwat dwar in-natura, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' strument fakultattiv; |
|
e) |
dan it-28 reġim m’għandux japplika għal-liġi tax-xogħol jew għall-kuntratti tax-xogħol fis-seħħ fl-Istati Membri. |
1.12 Il-KESE għalhekk huwa konvint li din id-diskussjoni għandha tidħol f’iktar dettall f’diversi livelli - akkademiċi, partijiet interessati (professjonisti, konsumaturi, eċċ.), istituti tar-riċerka u istituzzjonijiet tal-UE, l-iktar fil-qafas tal-eżerċizzju ta' “regolamentazzjoni aħjar” – bil-għan li jikkontribwixxi għat-twettiq tas-suq intern.
1.13 Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tkompli tistudja dan is-suġġett fil-livell teoretiku u prattiku tiegħu sabiex tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li jiddeterminaw il-vijabbiltà u l-utilità tiegħu.
1.14 Il-KESE jirrakkomanda wkoll li fil-valutazzjonijiet tal-impatt ex ante jew il-Kummissjoni jew il-Parlament Ewropew jikkunsidraw l-għażla li jadottaw it-28 reġim għal kull inizjattiva leġiżlattiva ġdida; l-istess valutazzjoni għandha tapplika għall-proposti li diġà qed jitħejjew, nibdew pereżempju mir-reviżjoni li għaddejja bħalissa tad-Direttiva dwar il-vjaġġi kollox kompriż. Permezz ta' valutazzjoni bħal din jista’ jiġi skrutinizzat l-impatt potenzjali li l-leġiżlazzjoni fakultattiva jista’ jkollha fuq ir-regoli obbligatorji li japplikaw bħalissa fil-qafas tal-liġijiet nazzjonali. Hija għandha teżamina r-riskju li l-istrument jintuża sabiex jiġu evitati r-regoli obbligatorji nazzjonali għad-detriment tal-partijiet dgħajfa.
2. Introduzzjoni – l-għan tal-opinjoni
2.1 Wieħed mill-għanijiet tas-suq intern huwa r-regolamentazzjoni aħjar u, sa fejn possibbli, inqas regolamentazzjoni. L-inizjattivi kollha fil-qafas tal-eżerċizzju “regolamentazzjoni aħjar” żviluppat mill-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew u appoġġjata bis-sħiħ mill-KESE f’għadd ta' opinjonijiet kellhom l-għan li jfittxu l-aħjar modi li permezz tagħhom, l-ambjent leġiżlattiv ikun aktar aċċessibbli għall-utenti u jkun jista’ jiftiehem aħjar mid-dinja tan-negozju, il-ħaddiema u l-konsumaturi.
2.2 L-idea relattivament ġdida ta' mod aħjar u iktar konsistenti biex jiġu rregolati ċerti kwistjonijiet importanti fil-livell tal-UE dehret għall-ewwel darba fl-opinjoni tal-KESE dwar “Il-kuntratt tal-assigurazzjoni Ewropew” (3). F’din l-opinjoni ġie propost li l-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratt tal-assigurazzjoni Ewropew għandha tissejjes fuq sistema li toffri alternattiva oħra għall-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali differenti.
2.3 Fil-kuntest tal-Qafas Komuni ta' Riferiment (QFR), il-Grupp tal-Proġett “Definizzjoni mill-Ġdid tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew ta' Assigurazzjoni” żviluppa u ressaq quddiem il-Kummissjoni l-unika proposta strutturata għal mudell ta' strument fakultattiv fl-UE li qatt tressqet s’issa.
2.4 F’dawn l-aħħar snin, f’bosta avvenimenti, għadd ta' avukati, akkademiċi u xi partijiet interessati mis-soċjetà ċivili ssuġġerew li dan il-metodu jista’ joffri għażla alternattiva utli għall-metodu tradizzjonali tal-armonizzazzjoni f’oqsma speċifiċi, bħas-sistema tal-pensjonijiet jew is-servizzi finanzjarji.
2.5 Il-Kummissjoni bdiet ftit ftit tirreferi għall-possibbiltà li tuża l-metodu tat-“28 reġim” f’diversi oqsma u l-KESE wera l-appoġġ tiegħu għal dan f’għadd ta' opinjonijiet (4).
2.6 Iżda l-kunċett, in-natura u l-qafas għall-implimentazzjoni ta' dan il-metodu għadhom ma ġewx definiti b’mod adatt. Huwa partikolarment importanti li jintwera li mhux biss huwa fattibbli iżda li joffri wkoll għadd ta' vantaġġi mil-lat ta' “regolamentazzjoni aħjar” u ta' ambjent legali ssemplifikat, faċli jiftiehem u jintuża miċ-ċittadini. Dan huwa l-għan ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja.
3. Il-kunċett tat-“28 reġim”
3.1 In-natura u l-karatteristiċi tiegħu
3.1.1 It-termini “it-28 reġim” u “strument fakultattiv”, li spiss jintużaw bħala sinonimi, jippruvaw jagħtu stampa grafika ta' Liġi Ewropea tal-Kuntratti jew tal-Liġi Privata li ma tirkibx il-liġi nazzjonali iżda tipprovdi alternattiva billi tħalli l-applikazzjoni tagħha f’idejn il-partijiet kontraenti.
3.1.2 Għalkemm l-espressjoni “it-28 reġim” tintuża f’għadd ta' dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE u f’ħafna mill-artikli ppubblikati dwar is-suġġett, hija tista’ tagħti idea żbaljata għaliex tista’ tiġi interpretata bħala reġim ta' liġi “barranija” meta mqabbel mas-27 liġi kuntrattwali “nazzjonali” tal-Istati Membri, li jistgħu jitqiesu li huma liġijiet “domestiċi”.
3.1.3 Għalhekk, jidher li jkun aħjar li nirreferu għat-“2 reġim” (5) tal-liġi privata fl-Istati Membri kollha. Dan it-terminu jagħmilha ċara li strument fakultattiv Ewropew ikun jista’ jippenetra l-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri bħal kwalunkwe sors ieħor tal-liġi Ewropea. Fil-qosor, “it-2 reġim” jipprovdi lill-partijiet ikkonċernati għażla bejn żewġ reġimi ta' dritt kuntrattwali nazzjonali/domestiku, wieħed maħruġ mil-leġiżlatur nazzjonali u l-ieħor mil-leġiżlatur Ewropew.
3.1.4 Din ix-xorta tat-“2 reġim” tista’ tintuża mill-partijiet biex jinnegozjaw fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-partijiet kontraenti ma jkollhomx għalfejn jiffaċċjaw is-27 reġim legali nazzjonali tal-Istati Membri u jkunu jistgħu jibbażaw it-tranżazzjonijiet tagħhom fuq reġim Ewropew komuni tal-liġi privata. Dan ikun utli għaliex l-ebda waħda mill-partijiet kontraenti ma jkollha għalfejn taċċetta l-applikazzjoni ta' liġi li hija tqis bħala liġi barranija.
3.1.5 It-“2 reġim” ikun partikolarment utli f’oqsma fejn il-liġi internazzjonali privata (Ruma I) tipprojbixxi jew tillimita lill-partijiet ikkonċernati milli jagħżlu l-liġi b’mod ħieles, bħal fil-każ tal-kuntratti tat-trasport (Artikolu 5, Ruma I), tal-konsum (Artikolu 6, Ruma I), tal-assigurazzjoni (Artikolu 7, Ruma I) u tal-impjieg (Artikolu 8, Ruma I). L-istrument fakultattiv jista’ japplika wkoll għal regoli internazzjonali obbligatorji (Artikolu 9, Ruma I) sakemm jikkunsidra b’mod suffiċjenti l-interess ġenerali mħares minn dawn ir-regoli (6). Madanakollu t-tieni reġim m’għandux japplika għal-liġi tax-xogħol u l-anqas għall-kuntratti tax-xogħol fis-seħħ fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
3.1.6 Għaldaqstant, it-“2 reġim” jippermetti li n-negozju fil-Komunità kollha jkun ibbażat fuq l-istess reġim ta' dritt kuntrattwali anke f’oqsma fejn il-liġi internazzjonali privata tipprovdi għall-applikazzjoni obbligatorja tar-regoli li jħarsu l-parti d-dgħajfa.
3.1.7 Il-Premessa 14 ta' Ruma I tirreferi għal strument fakultattiv ta' dan it-tip: “Jekk il-Komunità tadotta fi strument ġuridiku adatt regoli ta' liġi kuntrattwali sostantiva, …, tali strument jista’ jipprovdi li l-partijiet jistgħu jagħżlu li japplikaw dawk ir-regoli”.
3.1.8 Peress li l-istrument fakultattiv huwa t-2 reġim tad-dritt kuntrattwali fil-liġi ta' kull Stat Membru, l-għażla tal-istrument fakultattiv tista’ ssir anke f’“każijiet purament domestiċi”. B’riżultat ta' dan, l-intraprendituri jistgħu jibbażaw it-tranżazzjonijiet kollha tagħhom – kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali – fuq it-2 reġim u dan ikompli jnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet legali.
3.1.9 Il-fatt li l-qrati ma jkunux jistgħu jqisu l-istrument fakultattiv bħala l-liġi “barranija” magħżula huwa karatteristika oħra tat-“2 reġim”. Għaldaqstant, japplikaw prinċipji bħal dak ta' “iura novit curia” u l-aċċess għall-Qrati Supremi nazzjonali ma jkunx limitat, bħalma sikwit jiġri meta jiġu applikati l-liġi barranija jew prinċipji ġenerali. Bl-istess mod, l-istituzzjonijiet li joffru mekkaniżmi ta' tressiq ta' lmenti barra mill-qrati u mekkaniżmi ta' rimedju ma jistgħux jirrifjutaw li jisimgħu każ billi jargumentaw li jkun qed jitressaq quddiem liġi barranija. Pereżempju, l-Ombudsman tal-Assigurazzjoni tal-Ġermanja jista’ jirrifjuta li jindirizza lment skont il-Kodiċi ta' Proċedura tiegħu jekk l-ilment ikun irid jiġi determinat b’mod deċiżiv skont il-liġi barranija (7). Madanakollu, strument fakultattiv Ewropew ikun it-“2 reġim” ta' dritt kuntrattwali f’kull Stat Membru u għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala liġi “barranija” mill-Ombudsman tal-Assigurazzjoni tal-Ġermanja.
3.1.10 Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, strument fakultattiv stabbilit mil-leġiżlatur Ewropew ikun soġġett għal proċeduri għal deċiżjoni preliminari mill-QĠE, u b’hekk tiġi garantita applikazzjoni uniformi tal-istrument fakultattiv mill-qrati nazzjonali tal-UE (8).
3.2 Dritt kuntrattwali fakultattiv u l-ħarsien tal-parti d-dgħajfa
3.2.1 It-“2 reġim” kif deskritt hawn fuq joħloq għażla li ma tkunx ristretta mir-regoli obbligatorji tal-liġi nazzjonali sakemm jikkunsidra b’mod suffiċjenti l-interess ġenerali mħares minn dawn ir-regoli. Dan joħloq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-ħarsien tal-parti d-dgħajfa, speċjalment il-konsumaturi, ma jonqosx (9) u li dan ma jintużax sabiex jiġu evitati dispożizzjonijiet obbligatorji tal-liġi nazzjonali.
3.2.2 Dan jista’ jiġi ssalvagwardjat bi tliet mezzi:
|
a) |
L-ewwel nett, it-“2 reġim” stess ikollu jipprevedi regoli obbligatorji u jkollu japplika livell għoli ta' ħarsien tal-parti d-dgħajfa (10); |
|
b) |
It-tieni nett, kwalunkwe esklużjoni ta' dispożizzjonijiet partikolari tat-“2 reġim” bi ftehim għandha tiġi evitata sabiex tiġi pprojbita “taħlita” ta' liġi nazzjonali u t-“2 reġim” billi jintgħażlu l-aktar standards laxki minn kull sors ta' liġi; |
|
c) |
Il-konsumatur għandu jiġi infurmat dwar l-istrumenti fakultattivi permezz ta' informazzjoni ġenerali għall-konsumatur pprovduta mill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u permezz tad-dmir prekuntrattwali tal-intraprenditur li jinforma lill-konsumatur li kuntratt huwa soġġett għal strument fakultattiv. |
3.2.3 B’konsegwenza ta' dan, l-eliġibbiltà tat-“2 reġim” ma toħloqx inċentiv biex il-parti l-aktar b’saħħitha tipproponi lill-imsieħeb kuntrattwali tagħha liġi anqas protettiva. Minflok, l-inċentiv biex jintgħażel it-“2 reġim” jinħoloq mill-possibbiltà li jintużaw termini kuntrattwali fil-Komunità mingħajr adattamenti għal-liġi nazzjonali imma bbażati fuq it-“2 reġim”, li hu stess jipprevedi livell ta' protezzjoni tal-parti l-aktar dgħajfa ogħla minn dak tal-leġiżlazzjoni medja tal-Istati Membri.
3.2.4 Strument fakultattiv li jintroduċi livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur ser joffri vantaġġ għall-konsumatur għaliex il-prodotti li jitpoġġew fis-suq Ewropew abbażi tal-istrument fakultattiv jistgħu jiġu kkumparati iktar faċilment. Għalhekk l-istrument fakultattiv jista’ jżid it-trasparenza.
3.3 Il-bażi legali u l-forma ta' strument fakultattiv
3.3.1 Il-kompetenza tal-UE fir-rigward tal-adozzjoni ta' dan l-istrument tibqa’ kwistjoni prinċipali fid-diskussjoni tan-natura u l-karatteristiċi tiegħu. Xi awturi jikkunsidraw li l-Artikolu 81 TFUE (li kien Artikolu 61(c) u Artikolu 65 TKE) jista’ jkun il-bażi legali għax fl-opinjoni tagħhom il-prijorità hija l-livell ta' kunflitt tal-liġijiet u mhux il-liġi sostantiva. Għalhekk l-UE teħtieġ biss bażi affidabbli li tippermetti lill-partijiet li jagħżlu strument bħala liġi applikabbli u għalhekk għandha tiffoka biss fuq il-kompatibbiltà tar-regoli nazzjonali tal-liġi internazzjonali privata. Strument ibbażat fuq Artikolu 81 TFUE jista’ madanakollu jkopri biss “kwistjonijiet ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali” u ma jorbotx lir-Renju Unit, lill-Irlanda u lid-Danimarka.
3.3.2 Oħrajn jaħsbu li l-Artikolu 352 TFUE (li kien Artikolu 308 TKE) huwa l-aktar bażi legali adatta biex il-KE tingħata l-awtorità li toħroġ dan it-tip ta' strument fakultattiv sabiex tikseb wieħed mill-objettivi tat-Trattati abbażi tal-fatt li dawn ma pprovdewx il-poteri neċessarji (11).
3.3.3 Madanakollu, m’għandniex neskludu l-possibbiltà li nużaw l-Artikolu 114 TFUE (li kien Artikolu 95 TKE) billi din hija dwar l-“approssimazzjoni ta' liġijiet” li jaffettwaw direttament “l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern” u għandhom l-għan li jiksbu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 26 (li kien Artikolu 14 TKE). Barra minn hekk, kull darba li l-leġiżlatur Ewropew ikollu wkoll il-poter li japprossima d-drittijiet kuntrattwali nazzjonali skont l-Artikolu 114 tat-TFUE, għandu jkollu l-possibbiltà li joħroġ strument fakultattiv li, wara kollox, huwa anqas imponenti fuq ir-reġimi nazzjonali u, għalhekk, huwa l-għażla preferuta fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
3.3.4 L-Artikolu l-ġdid 118 TFUE jipprovdi għal bażi legali speċjali. Madanakollu, l-ambitu tiegħu huwa limitat għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
3.3.5 Sabiex niżguraw uniformità massima, strument bħal dan għandu jagħmel parti minn Regolament (Artikolu 288(2) TFUE). B’hekk ikun jagħmel parti mil-liġi sostantiva ta' kull Stat Membru u għaldaqstat jiġi applikat biss jekk il-liġi tal-Istat Membru tkun tapplika għall-kuntratt ikkonċernat skont ir-regoli ta' kunflitt imsemmija f’Ruma I. Huwa jkollu jipprovdi regoli komprensivi u mhux standards minimi biss.
3.3.6 Fi kwalunkwe każ, il-kompatibbiltà ta' kull strument fakultattiv ġdid mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għandha tiġi evalwata bis-serjetà.
3.4 Kontenut
3.4.1 Strument fakultattiv futur għandu jikkonsisi f’parti ġenerali li tirregola l-applikazzjoni fakultattiva tiegħu u parti speċifika li tipprovdi regolamentazzjoni sostantiva fl-oqsma tal-liġi li tkopri.
3.4.2 Strument fakultattiv jista’ jiġi strutturat kif ġej:
Kapitolu 1: Dispożizzjonijiet ġenerali
Kapitolu 1 ikun jikkonsisti f’4 jew 5 artikoli biss (12) u għandu jiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni tal-istrument fakultattiv u jistabbilixxi l-għażliet tal-partijiet. Għandu jispeċifika wkoll ir-regoli obbligatorji (b’mod partikolari regoli li jħarsu l-parti d-dgħajfa). Fl-aħħar nett, għandu jipprojbixxi kwalunkwe rikors għal-liġi nazzjonali u minflok jimla’ l-lakuni billi jipprovdi rikors għal prinċipji ġenerali komuni fil-liġijiet tal-Istati Membri (13).
Kapitolu 2: Dispożizzjonijiet speċifiċi
Kapitolu 2 għandu jipprovdi regoli sostantivi fl-oqsma ta' liġi li huma fil-kamp ta' applikazzjoni tal-istrument fakultattiv.
3.5 Vantaġġi u diffikultajiet
3.5.1 Strument fakultattiv l-ewwel u qabel kollox jippermetti lill-partijiet li jidħlu f’kuntratt li jwettqu tranżazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea kollha abbażi ta' reġim wieħed tad-dritt kuntrattwali. L-ostakli għas-suq intern, bħall-ispejjeż u r-riskji legali li jinħolqu mid-differenzi bejn is-sistemi legali nazzjonali jew għall-konsumaturi jew għall-intrapriżi, ikunu jistgħu jingħelbu (14).
3.5.2 Barra minn hekk strument fakultattiv joffri iktar vantaġġi meta mqabbel mal-unifikazzjoni jew l-armonizzazzjoni tal-liġi nazzjonali.
3.5.2.1 L-ewwel nett, id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-istrument fakultattiv titħalla f’idejn is-suq. B’hekk jiġi żgurat li ma jiġix applikat biss fejn il-partijiet f’kuntratt iqisuh vantaġġ. L-istrumenti fakultattivi mistennija jintużaw mill-partijiet internazzjonali fis-swieq, filwaqt li l-atturi lokali jiffrankaw l-ispejjeż tat-traspożizzjoni b’mod partikolari b’rabta mal-abbozzar mill-ġdid tat-termini kuntrattwali sabiex jiġu adottati għal Reġim Ewropew ġdid.
3.5.2.2 It-tieni nett, il-kultura legali individwali ta' kull Stat Membru mhux se tintlaqat. Għalhekk strument fakultattiv ikun iktar aċċettabbli fil-qasam politiku. L-istess argument japplika għall-avukati nazzjonali ta' kull Stat Membru li probabbilment ser jargumentaw kontra l-introduzzjoni ta' liġi Ewropea tal-kuntratti minflok il-liġijiet tradizzjonali. Madanakollu mhux ser ikollhom raġuni għalfejn jopponu strument fakultattiv li ma jmissx il-liġi nazzjonali.
3.5.3 Barra minn hekk diġà jeżistu xi sistemi tat-2 Reġim (ara punt 3.6.3). Dan jindika biċ-ċar li l-liġijiet kostituzzjonali nazzjonali mhumiex sors ta' kunflitt fil-konfront ta' strumenti fakultattivi.
3.5.4 Madanakollu, il-ħolqien ta' strument fakultattiv fid-dritt kuntrattwali jew oqsma oħra tal-liġi privata jista’ joħloq xi problemi tekniċi. Jidher ċar li mhuwiex faċli li tinħoloq l-għażla u tiġi rregolata r-relazzjoni bejn żewġ settijiet ta' liġijiet kuntrattwali li jeżistu fl-istess ħin. Madanakollu, hekk kif jindika l-pjan għal strument fakultattiv possibbli fil-ġejjieni, il-problemi tekniċi jistgħu jingħelbu.
3.6 Strumenti simili
3.6.1 Diġà jeżistu strumenti fakultattivi kemm fil-livell globali kif ukoll fil-livell Ewropew.
3.6.2 Fost l-eżempji fil-livell dinji huma l-Konvenzjoni tan-NU dwar Kuntratt għall-Bejgħ Internazzjonali tal-Oġġetti (1980) (15), il-Konvenzjonijiet tal-UNDROIT dwar il-Factoring Internazzjonali (16) u dwar il-Kiri Finanzjarju Internazzjonali (17). Dawn il-konvenzjonijiet huma bbażati fuq mudell ta' opt-out (18).
3.6.3 Jeżistu bosta strumenti fakultattivi fil-livell Ewropew:
|
— |
Regolamenti li jistabbilixxu l-kumpaniji Ewropej bħar-Regolamenti dwar is-societas europaea (19), dwar il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku (20) jew dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE) (21); |
|
— |
Regolamenti li jistabbilixxu d-drittijiet Ewropej tal-proprjetà intellettwali bħal dak dwar it-trade mark Komunitarja (22) u dwar il-Privattiva Komunitarja (23); |
|
— |
Regolamenti li joffru proċeduri ċivili Ewropej bħar-Regolamenti dwar proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea (24) u dwar Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (25). |
Strumenti fakultattivi oħra huma proposti fosthom ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni (26) Dawn ir-Regolamenti jew Proposti jżidu strumenti Ewropej ma' dawk tal-liġi nazzjonali.
4. It-28 reġim u regolamentazzjoni aħjar
4.1 It-tlestija tas-suq uniku
4.1.1 Strument fakultattiv jappoġġja bis-sħiħ it-tħaddim tas-suq uniku u jirrappreżenta mezz perfett ta' armonizzazzjoni volontarja b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
4.1.2 Barra minn hekk, strument fakultattiv jiffaċilita l-moviment liberu tal-konsumaturi u jsaħħaħ il-mobilità transkonfinali u l-kompetizzjoni bejn in-negozji.
4.1.3 Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona ma jbiddilx is-sitwazzjoni fir-rigward tal-ħolqien tar-reġim fakultattiv.
4.2 Id-dritt kuntrattwali Ewropew
4.2.1 In-netwerk tal-“Prinċipji Komuni tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew” (CoPECL-Netwerk) reċentement ikkonkluda l-“Abbozz tal-Qafas Komuni ta' Riferiment” (27) u ressqu lill-Kummissjoni Ewropea. Huwa ċar li, hekk kif stqarret il-Kummissarju Reding, dawn ir-regoli jservu ta' mudell li jista’ juża l-leġiżlatur Ewropew meta joħroġ strument fakultattiv (28). Għad hemm bżonn madanakollu ta' regola dwar l-applikazzjoni fakultattiva tas-CFR/il-Prinċipji Komuni b’konformità mal-proposta li teżisti tal-Artikolu 1:102 tal-PEICL (29).
4.3 Oqsma ta' applikazzjoni futuri
4.3.1 Hemm bżonn ikbar ta' strument fakultattiv fl-oqsma tad-dritt kuntrattwali li huma ddominati minn regoli obbligatorji tal-liġi nazzjonali li huma ostaklu legali għat-tħaddim tas-suq uniku (30). Dan diġà stqarritu l-Kummissjoni fir-rigward tas-servizzi finanzjarji, inkluża l-assigurazzjoni (31). Għalhekk is-servizzi finanzjarji (il-liġi dwar il-banek u l-assigurazzjoni) jistgħu jkunu qasam prinċipali għall-applikazzjoni futura ta' strument fakultattiv filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumatur taħit iċ-ċirkustanzi kollha (sakemm il-proposta li tikkonċerna dan tiġi finalizzata b’konformità mal-qafas ta' referenza komuni).
4.3.2 Il-bejgħ lill-konsumaturi (b’mod partikolari l-bejgħ fuq l-internet) wkoll jista’ jiġi soġġett għat-28 Reġim. Madanakollu fejn jidħol il-bejgħ lill-konsumatur, ir-relazzjoni tal-istrument fakultattiv mal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (32) trid titqies bir-reqqa.
4.3.3 Apparti d-dritt kuntrattwali, l-istrumenti fakultattivi jistgħu jiġu adottati wkoll fl-oqsma tal-liġi privata: id-drittijiet tas-sigurtà fil-proprjetà mobbli jew oġġetti li mhumiex tanġibbli huma kandidati oħra li jistgħu jidħlu fit-“28 reġim”. Il-proposta tal-Kummissjoni għal ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni (33) turi l-applikazzjoni possibbli ta' strumenti fakultattivi fil-liġi dwar is-suċċessjoni; il-liġi dwar il-proprjetà matrimonjali wkoll tista’ tiġi soġġetta għal strument fakultattiv fil-futur.
4.3.4 Fil-qasam tal-liġi kuntrattwali ġenerali, il-bżonn ta' strument fakultattiv huwa inqas urġenti. L-Abbozz tal-Qafas Komuni ta' Riferiment (DCFR), li jkopri d-dritt kuntrattwali ġenerali, fil-fatt mhuwiex abbozzat bħala strument fakultattiv. Madanakollu l-edituri tad-DCFR fl-introduzzjoni tagħhom jenfasizzaw li jista’ jintuża bħala l-bażi ta' strument fakultattiv wieħed jew iktar (34). Din il-proposta tista’ tiġi implimentata wkoll b’mod restrittiv bl-introduzzjoni tad-Dispożizzjonijiet Ġenerali tad-DCFR fi strument fakultattiv li japplika biss f’oqsma speċifiċi tad-dritt kuntrattwali. Dan jista’ jgħin biex jiġu evitati lakuni regolatorji li ser jinħolqu jekk japplikaw biss dispożizzjonijiet speċifiċi għal tipi ta' kuntratti partikolari.
5. Is-sejbiet li ħarġu mis-seduta pubblika tal-Osservatorju tas-Suq Uniku tas-6 ta' Jannar 2010
5.1 Numru ta' varjazzjonijiet dwar is-suġġett tat-28 reġim diġà jeżistu jew huma proposti fil-liġi Ewropea tal-kumpaniji, il-liġi proċedurali intellettwali u l-liġi tas-suċċessjoni. Kollha jmorru lil hin mil-limiti nazzjonali, jindaħlu inqas fil-liġijiet nazzjonali u joħolqu opportunitajiet ġodda għall-atturi tas-suq fil-kummerċ transkonfinali. Madanakollu, it-28 reġim irid jirrispetta regoli stretti tal-ħarsien tal-konsumatur u fl-istess waqt ikun iktar rigoruż mill-armonizzazzjoni. Il-pensjonijiet huma kwistjoni prinċipali tat-28 reġim b’madwar 18-il miljun pensjonant fl-Ewropa jgħixu fi Stat Membru ieħor. Fl-aħħar mill-aħħar, it-28 reġim għandu jiffoka fuq informazzjoni tajba u l-bini tal-fiduċja (eż. kuntratti) u jwassal għal servizzi u prodotti iktar sempliċi (b’mod partikolari s-servizzi finanzjarji). Fil-qasam tas-servizzi finanzjarji bl-imnut, għandha tingħata prijorità lil leġislazzjoni aħjar tal-ħarsien tal-konsumatur: il-kriżi wriet il-bżonn li jiġu rregolati s-servizzi kollha offruti lill-konsumaturi u li jiġu offruti servizzi finanzjarji semplifikati lill-konsumaturi kollha li jkunu jixtiequ dan. Madanakollu, il-kunsens politiku li għandu jiniseb sabiex tiġi offruta l-għażla tat-28 reġim u l-bażi legali tiegħu għadhom fuq l-aġenda. Il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni għandhom janalizzaw b’mod sistematiku l-possibbiltà ta' “approċċ fakultattiv”, jiġifieri li jiġi adottat it-28 reġim; dan jista’ jkun risposta għal problemi speċifiċi u mhux alternattiva ġenerika għad-dritt kuntrattwali.
Brussell, 27 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 157, 28.6.2005, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.
(3) ĠU C 157, 28.6.2005, p. 1 (mhux disponibbli bil-Malti).
(4) ĠU C 157, 28.6.2005, p. 1, relatur Pegado Liz (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 318, 23.12.2006, p. 200, relatur Von Fürstenwerth (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 65, 17.3.2006, p. 134, relatur Ravoet (mhux disponibbli bil-Malti). ĠU C 309, 16.12.2006, p. 26, relatur Iozia (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 65, 17.3.2006, p. 13, relatur Burani (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 27; 3.2.2009, p. 18, relatur Grasso; ĠU C 151, 17.6.2008, p. 1, relatur Iozia; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26, relatur Pegado Liz.
(5) Dwar l-idea ta' strument alternattiv bħat-“2 reġim”, ara Heiss, Introduzzjoni, f’Basedow/Birds/Clarke/Cousy/Heiss (ed.), “Principles of European Insurance Contract Law” (2009) I 45.
(6) L-Assemblea Nazzjonali Franċiża reċentement adottat rapport informali dwar id-drittijiet tal-konsumatur (relatur: is-Sinjura M. Karamanli) li ssuġġerixxa li t-28 reġim legali Ewropew jiġi ttestjat fil-qafas tar-regolament Ruma I.
(7) Ara Heiss, Introduzzjoni, f’Basedow/Birds/Clarke/Cousy/Heiss (eds.), “Principles of European Insurance Contract Law” (2009) I 47.
(8) Ibid.
(9) Skont il-Professur M. Hesselink tal-Università ta' Amsterdam, f’termini ta' ġustizzja soċjali “(…) it-28 reġim jista’ jintgħażel billi wieħed jagħfas fuq buttuna blu (…). Jekk l-abbozz tal-QFR isir strument fakultattiv fil-kuntratti B2C, dan ma jwassalx għal dumping soċjali. (…) L-għażla tal-liġi għall-abbozz tal-QFR, jekk jippermetti l-leġiżlatur Ewropew, tista’ toħloq sitwazzjoni fejn kulħadd joħroġ rebbieħ fil-kuntratti B2C.”
(10) Ara Heiss/Downes, Non-Optional Elements in an Optional European Contract Law: Reflections from a Private International Law Perspective, ERPL 13 (2005) 693 (699).
(11) Hesselink/Rutgers/de Booys, The Legal Basis for an Optional Instrument on European Contract Law, Centre for the Study of European Contract Law Working Paper No. 2007/04.
(12) Fuq il-bażi tal-mudell tal-Prinċipji tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew ta' Assigurazzjoni (PEICL) u soġġett għal aktar diskussjonijiet.
(13) Sabiex jiġi evitat kull sors ta' konfużjoni ikun utli li jiġu determinati l-prinċipji ġenerali jew li jkun hemm rikors għal regoli ġenerali applikabbli għall kull tip ta' kuntratt li jinsabu fil-Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law – Draft Common Frame of Reference (DCFR) Book I-III, outline edition 2009), fejn jew meta dan ikun rikonoxxut minn strument legali tal-UE.
(14) Ara pereżempju, Basedow, Ein optionales Europäisches Vertragsgesetz: Opt-in, opt-out, wozu überhaupt?, ZEuP 2004, 1.
(15) It-test huwa disponibbli hawn: www.uncitral.org.
(16) Ibid.
(17) Ibid.
(18) Ara Art. 6 CISG; Art. 3 tal-Konvenzjoni dwar il-Factoring Internazzjonali; Art. 5 tal-Konvenzjoni dwar il-Kiri Finanzjarju Internazzjonali.
(19) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2157/2001 tat-8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta' Kumpannija Ewropea (SE), ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.
(20) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2137/85 tal-25 ta' Lulju 1985 dwar il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku (GEIE), ĠU L 199, 31.7.1985, p. 1.
(21) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1435/2003 tat-22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Kooperattiva Ewropea (SCE), ĠU L 297, 18.8.2003, p. 1.
(22) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 ta' Frar 2009 dwar it-Trade Mark Komunitarja, ĠU L 78, 24.3.2009, p. 1.
(23) Ir-Regolament ġie adottat fl-4 ta' Diċembru 2009 iżda għadu ma ġiex ippubblikat fil-ĠU.
(24) Ara Premessa 10 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta' ħlas Ewropea, ĠU L 399, 30.12.2006, p. 1 kif emendat.
(25) Ara Premessa 8 tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1.
(26) Ara Kapitolu VI tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta' ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, COM(2009) 154 finali.
(27) Ara von Bar/Clive/Schulte-Nölke et al. eds.), Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law – Draft Common Frame of Reference (DCFR) Outline Edition (2009); l-Assigurazzjoni tad-DCFR tinsab f’Basedow/Birds/Clarke/Cousy/Heiss (eds.), Principles of European Insurance Contract Law (2009).
(28) Fis-seduta ma' Viviane Reding, il-Kummissarju inkarigata mill-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, il-Parlament Ewropew, 7.1.2010.
(29) L-Artikolu 1:102 tal-Prinċipji tad-Dritt Kuntrattwali Ewropew ta' Assigurazzjoni (PEICL), li jindirizza l-applikazzjoni alternattiva tagħhom, jistipula li l-PEICL għandhom japplikaw meta l-partijiet ikkonċernati, minkejja xi limitazzjonijiet fl-għażla tal-liġi skont il-liġi internazzjonali privata, jaqblu li dawn il-prinċipji għandhom jirregolaw il-kuntratt tagħhom. (Basedow, The Optional Application of the Principles of European Insurance Contract Law, in Fuchs (ed.), European Contract Law, – ERA Forum Special Issue 2008 vol 9, 111).
(30) Ara Heiss/Downes, Non-Optional Elements in an Optional European Contract Law: Reflections from a Private International Law Perspective, ERPL 13 (2005) 697 (693).
(31) Ara, pereżempju, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Liġi kuntrattwali Ewropea aktar koerenti – Pjan ta' Azzjoni, tat-12 ta' Frar 2003, COM (2003) 68 finali, nru 47, 48.
(32) COM(2008) 614 finali.
(33) Ara COM(2009) 154 finali, punt 3.6.3.
(34) von Bar/Beale/Clive/Schulte-Nölke in von Bar/Clive/Schulte-Nölke et al. eds.), Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law – Draft Common Frame of Reference (DCFR) Outline Edition (2009); Intr. 79.
|
21.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/33 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
2011/C 21/06
Relatur: is-Sur TRÍAS PINTO
Nhar l-1 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Mejju 2010.
Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 (sessjoni tas-26 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’129 vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 It-terminu “prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli” jista’ jiġi interpretat li jfisser il-prodotti u s-servizzi kollha offruti mis-setturi tal-banek, tal-assigurazzjoni u tal-ġestjoni tal-investimenti. Madankollu, din l-opinjoni fil-biċċa l-kbira tagħha titkellem dwar l-investiment soċjalment responsabbli (ISR) li huwa pprovdut minn fondi ta’ investiment kollettiv disponibbli kemm għall-investituri istituzzjonali kif ukoll għall-pubbliku ġenerali. Skont id-definizzjoni tagħhom, il-fondi ta’ investiment kollettiv jagħmlu l-investimenti. Sabiex il-fond jikkwalifika bħala fond soċjalment responsabbli, irid jagħżel b’kawtela l-investimenti tiegħu skont kriterji adatti. Ħafna mill-fondi jinvestu fl-ishma tal-kumpaniji. Il-kwistjoni ċentrali għall-maġġoranza tal-fondi hija l-kapaċità tagħhom li jidentifikaw kumpaniji li jissodisfaw il-kriterji msejħa ESG (Etiċi, Soċjali, ta’ Governanza) neċessarji. F’ambjenti maturi tal-ISR, teżisti firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet li jiddeterminaw sa fejn il-kumpaniji individwali jilħqu l-kriterji ESG.
1.2 Jeżistu bosta korpi konsultattivi li jagħtu assistenza teknika fil-qasam tal-ISR. L-indiċi tal-ishma internazzjonali bħad-Dow Jones Sustainability DJSI Index jew il-FTSE4Good jipprovdu informazzjoni rilevanti biex il-fondi tal-ISR ikunu jistgħu jiġu stabbiliti u mħaddma fuq bażi ġenerali jew selettiva. Pereżempju, ċerti fondi jistgħu jikkonċentraw fuq kumpaniji stabbiliti tajjeb li jilħqu standards eċċellenti ta’ etika u governanza tajba. Oħrajn jista’ jkollhom aġenda “ħadra” jew ekoloġika. Jeżistu provvedimenti għal dawn il-varjazzjonijiet kollha.
1.3 F’dan l-ambjent ta’ wara l-kriżi, huwa neċessarju li ngħaddu l-investiment lejn kumpaniji b’valuri soċjali u etiċi biex nerġgħu niksbu l-fiduċja taċ-ċittadini fis-swieq finanzjarji. Ma hemm l-ebda dubju li wara din il-kriżi l-kunċett ta’ “business as usual” m’għadux japplika.
1.4 Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fil-passat, nistgħu naraw li l-prestazzjoni ta’ bosta istituzzjonijiet finanzjarji f’dawn l-aħħar snin qajla kienet tilħaq l-isandards soċjali u dawk ta’ governanza mistennija minn intrapriżi daqstant importanti. Għalhekk, il-KESE jitlob li l-programmi tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali jindirizzaw l-istennijiet soċjali u ta’ governanza tajba tal-Ewropa fis-seklu 21.
1.5 Ir-riżultati miksuba mill-investiment soċjalment responsabbli juru r-rabta pożittiva li teżisti bejn il-valutazzjonijiet soċjali u finanzjarji tal-istituzzjonijiet li jipprovdu fondi ta’ investiment soċjalment responsabbli. Barra minn hekk, l-ISR mhuwiex inqas profitabbli jew riskjuż minn investiment tradizzjonali.
1.6 L-istituzzjonijiet ta’ investiment kollettiv u l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali huma mezz importanti biex it-tfaddil jgħaddi lejn l-investiment produttiv. Madankollu, għandha tingħata aktar attenzjoni lill-konsulenza dwar l-investiment, it-titjib tal-metodi ta’ ġestjoni u l-aspetti marbuta mar-relazzjonijiet umani u r-responsabbiltà soċjali li huma evidenti fil-komunikazzjoni.
1.7 Il-kontribut li jagħtu l-professjonisti li jaħdmu għall-istituzzjonijiet finanzjarji għall-investiment soċjalment responsabbli għandu jqis dawn l-aspetti: il-viżjoni fit-tul, l-interess ġenerali, l-affidabbiltà u l-eżattezza tal-analiżi.
1.8 Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-ISR bil-għan li jiġu ffaċilitati “istandardizzazzjoni” u l-konsolidazzjoni tas-sistemi attwali tal-ġestjoni ta’ dawn il-prodotti, filwaqt li jippromovu t-trasparenza tal-informazzjoni, il-komparabilità fl-analiżi tal-investituri, it-taħriġ tekniku u l-iskambju tal-prattiki t-tajba. Teżisti xi evidenza li s-swieq finanzjarji jirreaġixxu b’mod pożittiv għall-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ standardizzazzjoni u għall-għoti ta’ ċertifikazzjoni mill-korpi uffiċjali.
1.9 Wieħed mill-effetti pożittivi tal-iffiltrar fil-qafas tal-ISR, sew jekk permezz tar-regolazzjoni sew jekk permezz ta’ konsulenti professjonali, huwa l-possibbiltà li ċerti titoli jiġu esklużi mill-portafolli tal-investiment, li jġiegħel lill-kumpaniji jtejbu l-prestazzjoni tagħhom fil-qasam ambjentali, soċjali u tal-governanza.
1.10 Il-KESE jirrakkomanda t-tnedija ta’ inizjattivi promozzjonali u edukattivi speċifiċi fil-qasam tal-finanzi, pereżempju permezz ta’ pubblikazzjonijiet, taħriġ jew it-twaqqif ta’ siti tal-internet speċjalizzati u t-tagħlim ta’ suġġetti finanzjarji fl-iskejjel u l-kulleġġi.
1.11 Wieħed mill-għanijiet tal-programmi dwar it-tagħlim finanzjarju huwa li jinkoraġġixxu l-familji jkunu investituri responsabbli, fit-tul u prudenti, skont il-profil tar-riskju tagħhom, il-beni u l-għanijiet personali tagħhom.
1.12 L-iżviluppi soċjodemografiċi jitolbu tibdil fl-istrateġiji kulturali u intraprenditorjali relatati mal-investiment fit-tul. Il-KESE jemmen li l-korpi pubbliċi għandhom jagħtu spinta bil-għan li jippromovu l-investiment fil-fondi soċjalment responsabbli permezz tal-ħolqien ta’ regolamenti fiskali u finanzjarji adatti kif ukoll permezz tal-akkwist pubbliku nnifsu.
1.13 L-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-fatt jaqdu rwol importanti fit-tħeġġiġ kemm ta’ domanda għall-investiment responsabbli (investituri individwali jew istituzzjonali) kif ukoll ta’ provvista (kumpaniji fil-qasam tal-ġestjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni). L-amministrazzjonijiet pubbliċi stess jistgħu jagħmlu s-suq aktar dinamiku permezz tal-ġestjoni tal-investimenti tal-fondi sovrani jew ta’ riżerva. Minbarra li sservi bħala eżempju, l-imġiba tagħhom issarraf fi xprun importanti b’element qawwi ta’ tmexxija f’dan il-qasam.
1.14 Min-naħa tagħhom, l-emittenti u l-kumpaniji jistgħu jimmobilizzaw il-komunità tal-investiment billi jipperswaduhom li l-politiki tas-sostenibbiltà huma indikaturi tal-kwalità tal-ġestjoni tagħhom f’dak li jirrigwarda t-trasparenza u l-inklużjoni ta’ dawn il-kriterji fl-istrateġija li jadottaw b’rabta mal-investiment.
2. Ir-responsabbiltà soċjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji
2.1 L-hekk imsejħa “kumpanija soċjalment responsabbli” fl-ambitu tal-maniġment toħloq opportunitajiet għall-istituzzjonijiet finanzjarji li jistgħu jissodisfaw l-istennijiet tas-soċjetà.
2.2 Permezz tal-pubblikazjoni tal-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Promozzjoni ta’ Qafas Ewropew għar-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji (1) u, aktar tard, id-dokument tal-OECD dwar ir-Responsabbiltà Soċjali tal-Kumpaniji (2), il-mudell soċjoekonomiku ta’ kumpanija li terfa’ r-responsabbiltà vis-à-vis il-partijiet interessanti rabba’ l-għeruq (3).
2.3 Fl-ambitu tal-istituzzjonijiet finanzjarji, il-prinċipji bażiċi tal-banek tat-tfaddil (4) jirrikonoxxu lil dawn il-korpi u lill-kooperattivi fil-qasam tal-kreditu u l-organizzazzjonijiet mutwalistiċi fil-qasam tal-għajnuna soċjali bnew is-sisien tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji ta’ żminijietna. Id-dimensjoni soċjali tagħhom bħala aspett li jidentifikahom (5) tagħtihom għanijiet speċifiċi li huma marbutin mill-qrib mal-filosofija tal-“Ekonomija Soċjali”, li tirrappreżenta forza soċjali u ekonomika li kulma jmur qed trabbi dejjem iżjed għeruq fid-dinja (6); fost l-oħrajn, dan l-impenn huwa rifless fl-inklużjoni tal-persuni b’diżabbiltà.
2.4 Il-kriżi finanzjarja attwali nħolqot fis-settur bankarju, fejn ir-riskji eċċessivi li ttieħdu mill-bankiera saru aktar gravi meta nqisu wkoll il-falliment tas-superviżjoni bankarja. Fil-qalba ta’ dan kollu, ħarġu fid-dieher prodotti finanzjarji (self garantit għad-djar u kreditu għall-konsum, derivattivi u prodotti strutturati) u perikli morali (moral hazards) fil-proċess tal-kummerċjalizzazzjoni tal-banek. F’dan ir-rigward, ir-rwol li jaqdu l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu – li huma kkaratterizzati minn kunflitt ta’ interess ċar – kien importanti ħafna biex jenfasizza l-gravità tal-kriżi, flimkien man-nuqqasijiet superviżorji li ġew rikonoxxuti.
2.5 Attwalment, ir-responsabbiltà prinċipali tal-istituzzjonijiet finanzjarji hija li bil-prudenza u b’mod rigoruż jipproteġu n-negozju tagħhom, filwaqt li jiggarantixxu l-fondi għall-finanzjament ta’ proġetti fl-ekonomija produttiva u l-konsum tal-familji.
2.6 Fil-kriżi finanzjarja attwali, il-banek m’għandhomx jittraskuraw l-impenn tagħhom favur is-soċjetà. Barra minn hekk, il-kriżi nnifisha tat xhieda ta’ ċerta irresponsabbiltà korporattiva, u enfasizzat il-bżonn kemm ta’ livell ogħla ta’ responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji kif ukoll waħda aktar effettiva. Ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji hija kwistjoni ta’ identità, impenn u strateġija korporattiva.
2.7 Għal dawn ir-raġunijiet kollha, il-KESE jimpenja ruħu li jiddefinixxi linji strateġiċi ta’ azzjoni fis-settur finanzjarju biex imexxi ’l quddiem it-tkabbir tal-ISR, jippromovi miżuri fiskali adegwati, jintroduċi sistemi għall-istandardizzazzjoni tal-prodotti, isaħħaħ il-protezzjoni għall-investituri, jintroduċi prattiki bankarji tajbin u jsaħħaħ is-suq Ewropew permezz ta’ servizzi finanzjarji responsabbli u rilevanti.
3. Prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli
3.1 Id-definizzjoni u l-ambitu tal-opinjoni
3.1.1 Dawn il-prodotti jiġbru fihom prodotti tat-tfaddil (kontijiet kurrenti, kontijiet b’rata ta’ imgħax għolja, depositi għat-tfaddil, depositi strutturati), prodotti ta’ investiment (impriżi għall-investiment kollettiv: fondi mutwalistiċi u unit trusts; pensjonijiet u assigurazzjoni, fondi u pjanijiet ta’ pensjoni; pjani għall-irtirar, assigurazzjoni fuq il-ħajja, fondi tematiċi), strumenti għall-finanzjament tal-kreditu u mekkaniżmi li jipprovdu appoġġ finanzjarju (mikrokrediti, revolving funds, fondi ta’ garanzija reċiproka u kapital ta’ riskju), li jissejsu fuq kriterji ambjentali, soċjali u ta’ governanza tajba mingħajr, taħt kull ċirkustanza, ma jitwarrbu l-għanijiet neċessarji marbuta mar-riskji u l-profittabbiltà finanzjarja.
3.1.2 Din l-opinjoni tiffoka fuq il-prodotti ta’ investiment, jew permezz tas-suq tal-konsumaturi jew tas-suq istituzzjonali. B’mod ġenerali, dan jinvolvi investiment f’dawk l-organizzazzjonijiet li jġibu ruħhom aħjar u jħeġġu l-iżvilupp sostenibbli. Għalhekk, l-għan tagħhom huwa li jkunu strument effettiv biex jgħinu fl-iżvilupp globali tas-soċjetà, u b’hekk iħeġġu l-kumpaniji jġibu ruħhom b’mod li jkun adatt għall-interessi tal-investituri.
3.1.3. Madankollu, ma għandu jkun hemm l-ebda konfużjoni dwar il-fondi ta’ investiment soċjalment responsabbli u l-fondi mutwalistiċi ta’ investiment. Dawn tal-aħħar jagħtu persentaġġ mill-profitti tagħhom lil entitajiet soċjali, iżda mhumiex obbligati jissodisfaw kriterji etiċi meta jkunu qed jagħżlu l-investimenti tagħhom. Minkejja dan, l-investiment mutwalistiku u l-ISR ma għandhomx jiġu inklużi fl-istess fond.
3.2 L-oriġini u l-iżviluppi
3.2.1 L-oriġini tal-investiment soċjalment responsabbli huwa marbut ma’ prinċipji morali. Dan il-fenomenu ilu jissaħħaħ sa mit-tmeninijiet, xprunat mill-globalizzazzjoni, għarfien ekoloġiku u soċjali akbar u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni.
3.2.2 L-ISR beda fid-dinja Anglo-Sassona (7). Fl-Ewropa (8), ċerti swieq huma kkaratterizzati minn volum kbir ta’ tkabbir bħar-Renju Unit, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, Franza, l-Isvizzera u l-Belġju u, b’rata aktar modesta, l-Italja, Spanja u l-Ġermanja.
3.3 Dettalji kunċettwali
3.3.1 Il-fondi tal-ISR jinvestu fil-kumpaniji. Essenzjalment, l-investiment etiku tradizzjonali kellu bażi morali, ideoloġika jew soċjali. Bħalissa, jipprova jinkorpora aspetti ekonomiċi, ambjentali, soċjali u dawk marbuta mal-governanza tal-prestazzjoni tal-kumpaniji, b’mod integrat u b’viżjoni fit-tul.
3.3.2 Il-kriterji tar-responsabbiltà soċjali (filtri) jiġu applikati għll-investiment billi jiġu esklużi investimenti speċifiċi u billi jintgħażlu dawk li jagħtu prestazzjoni aħjar. F’dan ir-rigward, l-isfida għall-ISR hija li jinfluwenza l-istrateġija korporattiva tal-ġejjieni, u li jqarreb il-valuri tal-investituri lejn dawk tal-mira tal-investiment.
3.3.3 Il-konsulenti jużaw mas-60 kriterju. Xi wħud mill-aktar kriterji użati ta’ spiss huma mniżżla f’din it-tabella (9).
|
Kriterji negattivi |
Kriterji pożittivi |
|
Armamenti |
Opportunitajiet indaqs |
|
Esperimenti fuq l-annimali |
Riċiklaġġ |
|
Esplojtazzjoni tat-Tielet Dinja |
Konservazzjoni tal-enerġija u r-riżorsi naturali |
|
Tniġġis |
Trasparenza tal-informazzjoni |
|
Manipulazzjoni ġenetika |
Impenn favur is-solidarjetà mas-soċjetà |
|
Pornografija, tabakk u alkoħol |
Appoġġ għat-taħriġ u l-edukazzjoni |
|
Ħsara lill-ambjent |
Standardizzazzjoni tal-prodotti |
3.3.3.1 Din il-lista ma tassumix li l-kumpaniji li jkollhom karatteristiċi negattivi huma fil-fatt irresponsabbli fil-ġestjoni tagħhom. Għall-kuntrarju, jista’ jkollhom l-ogħla standards etiċi possibbli fil-mod kif jagħmlu n-negozju, għalkemm xi investituri jistgħu jmaqdru setturi partikolari, pereżempju s-settur tal-armamenti.
3.3.4 Il-kriterji ta’ sostenibbiltà użati fl-ISR għandhom jinftiehmu b’mod dinamiku u jippermettu l-inklużjoni ta’ aspetti ġodda importanti fil-qasam tal-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji. Pereżempju, fil-qafas tal-opportunitajiet indaqs, ikun tajjeb li jiġu inklużi kriterji bbażati fuq il-valuri relatati mal-persuni b’diżabbiltà, bħall-indikaturi tal-integrazzjoni fix-xogħol jew l-aċċessibbiltà tal-post tax-xogħol, il-postijiet kummerċjali, il-prodotti u s-servizzi.
3.3.5 Bil-għan li tinġabar informazzjoni komparattiva dwar kif l-ISR żviluppa fid-dinja, l-istrateġija tas-segmentazzjoni tas-suq toħloq distinzjoni bejn is-suq istituzzjonali (essenzjalment, istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali) u s-suq tal-konsumaturi (li għadu limitat għall-fondi ta’ investiment).
3.4 Istituzzjonijiet ġodda
3.4.1 L-istituzzjonijiet li joperaw fis-suq finanzjarju ħolqu mekkaniżmi biex jinkludu s-sostenibbiltà fil-prattiki ta’ ġestjoni li jħaddnu. Kemm l-hekk imsejħa banek tradizzjonali kif ukoll dawk etiċi (10) jiddjalogaw mal-partijiet interessati tagħhom permezz ta’ laqgħat jew skambji fuq pjattaformi elettroniċi.
3.4.2 L-iżvilupp tal-ISR wassal għall-ħolqien ta’ istituzzjonijiet ġodda jew għall-adattament ta’ istituzzjonijiet tradizzjonali involuti fit-tħejjija u t-tqassim ta’ indiċi tal-ishma internazzjonali (pereżempju, id-Dow Jones Sustainability DJSI Index jew il-FTSE4Good), it-twaqqif u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ bażi tad-data, l-analiżi tas-sostenibbiltà u aġenziji konultattivi fil-qasam tal-ISR, eċċ.
3.4.3 Insibu diversi fatturi li kkontribwixxew biex iħeġġu l-iżvilupp tal-“Prinċipji għall-Investiment Responsabbli” tan-NU, fosthom ir-rwol attiv tal-Kummissjoni Ewropea; it-twaqqif tal-Forum tal-Investiment Soċjali fl-Istati Uniti, jew il-Forum Ewropew tal-Investiment Soċjali (Eurosif) fl-Ewropa jikkontribwixxu għad-djalogu mal-partijiet interessati (11).
3.5 Ġestjoni tal-portafolli
3.5.1 L-immudellar soċjoekonomiku jinkorpora taħlita ta’ miżuri ta’ profittabbiltà soċjali u mudelli finanzjarji tradizzjonali, li jieħdu post it-taħlita profittabbiltà-riskju. Għalhekk, l-investiment soċjalment responsabbli juża kriterji soċjali, ambjentali u dawk ta’ governanza tajba minbarra dawk strettament finanzjarji bħala bażi għall-għanijiet tiegħu waqt l-għażla tal-investimenti.
3.5.2 F’dawn l-aħħar snin, ġie rikonoxxut il-bżonn li tiġi introdotta dimensjoni etika fis-settur finanzjarju, u dan wassal għall-hekk imsejħa finanzi sostenibbli jew soċjalment responsabbli. Din it-tendenza torbot mal-iżviluppi tat-teorija tal-behavioural finance (modi ta’ mġiba fil-finanzi) u twessa’ l-analiżi tal-imġiba ekonomika u psikoloġika tal-atturi biex tiġbor fiha wkoll l-imġiba soċjali u ambjentali (12).
3.5.3 L-aġenziji li jipprovdu analizi tas-sostenibbiltà (13) huma l-aktar organizzazzjonijiet li ħabirku biex jiżviluppaw metodi għall-assessjar u l-valutazzjoni tal-kumpaniji fuq l-imġiba soċjalment responsabbli tagħhom permezz ta’ firxa ta’ metodi ta’ valutazzjoni. Fil-prattika, ir-riżultati tad-diversi studji f’dan il-qasam juru li l-investiment soċjalment responsabbli ma jfissirx telf għall-investituri mil-lat ta’ profittabilità ekonomika fuq perijodu medju jew twil ta’ żmien.
3.6 Regolazzjoni u standardizzazzjoni tal-prodotti
3.6.1 L-aħjar użu u t-twaqqif ta’ prodotti soċjalment responsabbli (għal skopijiet ta’ investiment, tfaddil jew kreditu) jitolbu definizzjoni li tkun assolutament ċara u li tkun ingħatat minn qabel tal-ħtiġijiet li għandhom bżonn jissodisfaw; dan jiggarantixxi li l-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali u l-proċessi ta’ monitoraġġ, assessjar kontinwu u trasparenza jiġu applikati.
3.6.2 L-Assoċjazzjoni Spanjola għall-Istandardizzazzjoni u ċ-Ċertifikazzjoni (AENOR) (14) qed tirrevedi standard għall-prodotti finanzjarji soċjalment resposabbli (UNE 165001: 2002 EX, Strumenti finanzjarji etiċi), bil-għan li tistabbilixxi l-ħtiġijiet globali biex jiġu ggwidati l-istituzzjonijiet li jixtiequ joħolqu jew jikkumerċjalizzaw prodotti bħal dawn u bil-għan li tipprovdi l-aktar livell għoli ta’ trasparenza u informazzjoni possibbli dwar dawn il-kriterji etiċi għall-utenti.
3.6.3 F’dawn l-aħħar snin, f’dan is-settur ġew żviluppati kriterji ta’ awtoregolazzjoni (15) f’bosta pajjiżi tal-UE, ta’ spiss fuq l-insistenza tal-korpi superviżorji tal-gvern, biex ikunu jistgħu jiġu rreġistrati n-numru dejjem jikber ta’ fondi ġodda ta’ investiment ikklassifikati bħala etiċi. L-awdituri u l-konsulenti professjonali jipprovdu kontrolli u verifiki addizzjonali.
3.6.4 Niġbdu l-attenzjoni wkoll għall-inizjattiva li tħeġġeġ it-trasparenza fl-użu tal-kriterji ta’ awtoregolazzjoni, li qed titħeġġeġ mill-Eurosif u mid-diversi SIF tal-Istati Membri. B’hekk, il-konsumatur jirċievi informazzjoni dwar il-kriterji użati u l-applikazzjoni tagħhom mingħajr preġudizzju għall-merti jew ir-responsabbiltà soċjali tal-prodotti.
3.6.5 L-inizjattiva għall-promozzjoni tat-tqabbil ta’ rapporti dwar l-ISR imħejjija minn istituzzjonijiet finanzjarji għandha l-għan li toħloq xorta ta’ mudell ta’ dokument standard li jissodisfa l-bżonnijiet tal-investituri rigward l-informazzjoni fil-pajjiżi differenti tal-UE.
4. Il-protezzjoni tal-konsumatur
4.1 Minħabba l-kriżi finanzjarja, il-konsumaturi tilfu l-fiduċja fil-kumpaniji li jipprovdu servizzi finanzjarji. Fid-dawl tal-fatt li tqajmu dubju dwar il-moralità tas-settur, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom l-opportunità jħeġġu miżuri favur il-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta’ prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli.
4.2 It-titjib tal-informazzjoni li tingħata lill-konsumatur
4.2.1 Wieħed mill-effetti tal-kriżi finanzjarja kien il-preokkupazzjoni – li kulma jmur qed jikber – min-naħa tal-korpi regolatorji għal dawk li jfaddlu u l-investituri. Din l-attitudni ssaħħet permezz ta’ kumitati tal-arbitraġġ, fuljetti u manwali informattivi, sorveljanza tar-reklamar (16) (li għandu jkun ċar, imparzjali u ma jagħtix informazzjoni żbaljata) għall-prodotti finanzjarji kollha u l-ħolqien ta’ “servizzi għall-ilmenti” jew ta’ difensur tal-klijent (Ombudsman).
4.2.2 Fil-prattika, madankollu, il-banek mhux dejjem jipprovdu biżżejjed informazzjoni lill-klijenti tagħhom, skont il-ħtiġijiet tagħhom. Studju reċenti tal-Kummissjoni Ewropea (17) kkritika lill-banek Ewropej f’bosta pajjiżi dwar ċerti irregolaritajiet, bħan-nuqqas ta’ trasparenza u rati għoljin ta’ miżati relatati mal-kontijiet tal-bank u d-diffikultà li jiltaqgħu magħha l-klijenti biex iqabblu l-offerti tal-banek u b’hekk ukoll biex jagħżlu l-aktar offerta vantaġġuża.
4.2.3 It-trasparenza fil-konfront tal-klijenti titlob informazzjoni ċara, preċiża, komparabbli u li tinftiehem. Fil-prattika, il-prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli għandhom, minn tal-inqas, jinkludu d-definizzjoni tat-tip ta’ ISR applikat, il-kriterji prattiċi użati (il-filtru tal-ISR), is-sħubija fi ħdan il-Kumitat tal-ISR (18), il-miżati relatati mal-ġestjoni u d-depożitu eċċ., kif ukoll il-pubblikazzjoni perjodika ta’ rapporti indipendenti dwar il-konformità mal-filosofija ta’ responsabbiltà soċjali tal-prodott.
4.2.4 Il-ksib ta’ informazzjoni permezz tas-servizz ta’ assistenza lill-klijenti jikkontribwixxi għat-titjib kontinwu (fattur prinċipali tal-kwalità tas-servizz) u għall-proviżjoni responsabbli tas-servizzi li jingħataw wara l-bejgħ tal-prodott, li jkopru ċ-ċiklu ta’ ħajja tal-prodott, jew sakemm il-klijent ixolji r-rabtiet tiegħu mal-prodott.
4.3 Il-promozzjoni tal-edukazzjoni finanzjarja
4.3.1 L-edukazzjoni finanzjarja hija waħda mir-responsabbiltajiet li għandha tiġi indirizzata bi sħab bejn is-settur pubbliku u dak privat bil-għan li tiġi ssodisfata l-isfida li jirrappreżenta l-ambjent finanzjarju, li kulma jmur qed isir aktar ikkumplikat. Iżda, din l-edukazzjoni għandha tkun ħielsa mill-interessi kummerċjali marbuta ma’ prodotti finanzjarji speċifiċi.
4.3.2 Bil-għan li jitwessa’ l-għarfien taċ-ċittadin fil-qasam tal-finanzi u biex il-familji ma jidħlux f’dejn eċċessiv u jiġu megħjuna jagħżlu prodotti adatti għas-sitwazzjoni finanzjarja u l-profil ta’ riskju tagħhom, il-korpi superviżorji u l-banek nedew firxa ta’ inizjattivi msemmija “Pjani ta’ edukazzjoni finanzjarja”.
4.3.3 Il-politiki fil-qasam tal-edukazzjoni finanzjarja qed jikkontribwixxu għat-trawwim tal-fiduċja fis-sistema finanzjarja. L-importanza ta’ dan it-tip ta’ edukazzjoni kienet rikonoxxuta mill-Unjoni Ewropea kemm fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Edukazzjoni Finanzjarja (19) kif ukoll fil-konklużjonijiet finanzjarji tal-Kunsill ECOFIN tal-14 ta’ Mejju 2008 (20).
4.3.4 Il-promozzjoni tar-riċerka fil-qasam tal-ISR u t-taħriġ tal-operaturi fis-suq jagħmluha possibbli li l-istituzzjonijiet finanzjarji jadottaw “l-aħjar prattiki” fil-politiki ta’ sostenibbiltà tagħhom. Il-materjal edukattiv u l-kodiċi ta’ kondotta jipprovdu appoġġ siewi għall-iżvilupp tat-taħriġ.
4.4 Ir-rwol konsultattiv tas-servizzi finanzjarji
4.4.1 L-hekk imsejħa Direttiva MIFID (Markets in Financial Instruments Directive) (21) titlob li l-istituzzjonijiet finanzjarji jsaħħu l-protezzjoni tal-investituri u li joffru prodotti lill-klijenti tagħhom li huma adatti għall-profili ta’ investiment tagħhom. Barra minn hekk, titlob demarkazzjoni ċara bejn il-konsulenza u l-kummerċjalizzazzjoni u titlob ukoll li l-intermedjarji finanzjarji jkollhom għarfien dettaljat tal-prodotti li qed ibigħu. Għalhekk, bħala parti mill-valutazzjoni ta’ kemm huwa adatt prodott, il-klijent għandu jiġi mistoqsi jekk jaqbilx mal-politiki tal-ISR huwa u jiġi offert jew allokat (il-ġestjoni tal-portafolli) l-iktar prodotti adatti tal-ISR.
4.4.2 B’mod partikolari, il-prodotti finanzjarji soċjalment responsabbli għandhom jinkludu mekkaniżmi superviżorji interni li jidentifikaw ir-riskji relatati mal-investiment u jiċċekkjaw jekk hemmx kunflitti ta’ interess, u jekk meħtieġ, għandhom iressqu rapport quddiem il-Kumitat tal-ISR (li l-biċċa l-kbira tiegħu trid tkun magħmula minn esperti esterni biex tiġi żgurata l-oġġettività tal-osservazzjonijiet tagħhom).
5. Il-prospettivi għal investiment soċjalment responsabbli
5.1 L-investiment responsabbli jista’ jieħu qawwa ġdida wara li jgħaddi minn kriżi bħal din ta’ bħalissa jekk l-investituri jkunu kapaċi jiddistingwu l-kumpaniji li jagħżlu r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji fuq perijodu twil ta’ żmien minn dawk li jużawha biss bħala għodda għall-marketing.
5.2 L-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali jidhru li huma l-entitajiet li jistgħu joffru l-akbar firxa ta’ opportunitajiet għat-tkabbir fil-qasam tal-investiment responsabbli. Skont Jáuregui (22), fi Spanja, it-tnedija potenzjali fis-suq ta’ 10 % tal-Fond ta’ Riżerva tas-Sigurtà Soċjali bi kriterji sostenibbli (23) għandha tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ kultura li tippromovi r-responsabbiltà soċjali.
5.3 Bħala eżempju ta’ prattika tajba bil-għan li l-komunità tan-negozju u l-awtoritajiet pubbliċi jiġu mobilizzati, ta’ min isemmi l-inizjattiva “Midalja tas-Solidarjetà Soċjali”, organizzata minn waħda mill-akbar organizzazzjonijiet Pollakki tan-negozjanti – il-Business Centre Club. Dan huwa premju speċjali mogħti lil individwi u CEOs talli, fost l-oħrajn, jippromovu l-idea tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji. Il-midalji jingħataw fil-preżenza ta’ mijiet ta’ CEOs, ministri, membri tal-korpi diplomatiċi, il-Prim Ministru u anke l-President tal-Polonja, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-KESE.
5.4 Sabiex l-investiment soċjalment responsabbli jilħaq livell ta’ maturità, il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet pubbliċi jagħtu l-appoġġ tagħhom bil-għan li jiffaċilitaw il-ħolqien tal-oqfsa legali adatti, jippromovu l-investiment bi kriterji sostenibbli, jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex jenfasizzaw il-prattiki tajbin u jinkoraġġixxu investiment f’dawn it-tipi ta’ prodotti finanzjarji, pereżempju, permezz ta’ inċentivi fiskali (24). Mod effettiv ħafna ta’ kif jista’ jiġi stimolat is-suq huwa li l-istituzzjonijiet pubbliċi jintroduċu dawn il-kriterji fl-investimenti tagħhom stess, kemm jekk id-dħul huwa fiss kif ukoll jekk huwa varjabbli, permezz ta’ fondi ta’ riżerva jew fondi sovrani tas-sigurtà soċjali, bħal fil-każ ta’ Franza. Fil-qasam tar-regolazzjoni u mill-perspettiva tat-trasparenza, huwa importanti li jiġi enfasizzat l-impatt tal-ħolqien ta’ regoli li jħeġġu lill-kumpaniji għall-ġestjoni tal-fondi ta’ investiment jew lill-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali jiddikjaraw jekk jinkludux kriterji soċjali u ambjentali fl-għażla tal-investimenti tagħhom, bħar-Renju Unit.
5.5 Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-impenn min-naħa tal-kumpaniji u ta’ ġestjoni attiva min-naħa tal-intermedjarji tas-suq finanzjarju. Id-diriġenti tal-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali, il-kumitati tal-ISR tal-prodotti, il-kummissjonijiet superviżorji u t-trejdjunjins ilkoll iservu ta’ xpruni fis-suq għall-fondi soċjalment responsabbli.
Brussell, 26 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) COM(2001) 366 finali (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) “Corporate Social Responsibility: Partners for Progress”, OECD, Pariġi 2001.
(3) Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar “Id-dimensjoni etika u soċjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej”, ĠU C 100, 30.4.2009, p. 84.
(4) Inklużi fid-dokument 143/90 tal-Grupp Ewropew tal-Banek tat-Tfaddil.
(5) E. Castelló (2005): “El liderazgo social de las Cajas de Ahorro” (It-tmexxija soċjali tal-banek tat-tfaddil), FUNCAS Ediciones.
(6) García, J. L. (2009): “Las cuentas de la economía social: magnitudes y financiación del tercer sector en España, 2005” (“Il-kontijiet fl-ekonomija soċjali: l-iskala u l-finanzjament tas-settur terzjarju fi Spanja, 2005”), Civitas Ediciones.
Ara r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19.2.2009 dwar l-ekonomija soċjali, imħejjija mir-relatur Patricia Toia.
(7) Eurosif (2008). Il-volum tal-assi fl-Istati Uniti fl-2007 kien ta’ EUR 1 917 biljun.
(8) Eurosif (2008). Fl-2007, l-assi tal-ISR fl-Ewropa kienu ta’ EUR 2 665 biljun.
(9) Muñoz et al (2004): “The social responsibility performance of ethical and solidarity funds: An approach to the case of Spain” Business Ethics. A European Review. Vol. 13, nru 2/3 April, Lulju.
(10) It-terminu “etiku/etiċi” għandu l-approvazzjoni ta’ kulħadd u ma jeskludix termini oħra bħal “ċiviku”, “alternattiv” jew “soċjali”. Ara INVERCO (Kumitat tal-Etika) (1999).
(11) Ara l-opinjoni tal-KESE “L-impatt tal-fondi tal-private equity, il-hedge funds u l-fondi sovrani fuq il-bidliet industrijali fl-Ewropa”, ĠU C 128, 18.05.2010. p. 56.
(12) Ix-xogħol pijunier ta’ Amartya Sen huwa importanti f’dan ir-rigward, “Collective choice and social welfare”, Holden-Day, 1970.
(13) Dawn jipprovdu konsulenza lill-investituri u jservu ta’ korp superviżorju.
(14) AENOR (2008): “Ética. Sistema de gestión de la responsabilidad social de las empresas” (“Etika. Sistema għall-ġestjoni tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji)”.
(15) Il-kumitati li jissorveljaw l-istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali jispjegaw jekk humiex qed jużaw kriterji marbuta mar-responsabbiltà soċjali fid-deċiżjonijiet li jieħdu fil-qasam tal-investiment.
(16) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u d-Direttiva 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat”, COM(2009) 491 finali, CESE 257/2010.
(17) “Data collection for prices of current accounts provided to consumers”, Kummissjoni Ewropea, 2009.http://ec.europa.eu/consumers/strategy/docs/prices_current_accounts_report_en.pdf. (mhux disponibbli bil-Malti).
(18) Korp kolleġġjali ta’ esperti li jgħin lill-entità ta’ġestjoni jew dik finanzjarja jew il-korp superviżorju assoċjat mal-prodott biex jiżgura li l-filtru etiku jiġi applikat kif suppost u biex jiċċekkja l-informazzjoni li tiġi pprovduta. Kull prodott finanzjarju għandu jkollu l-Kumitat tiegħu, għalkemm dan mhux dejjem jiġri.
(19) COM(2007) 808 finali.
(20) Stqarrija għall-Istampa tal-Kunsill 8850/08 (Presse 13), p. 14.
(21) Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji.
(22) Membru tal-Parlament Ewropew u membru tal-moviment “Alternativa Responsible” (“Għażla Responsabbli”).
(23) Għadd ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għandhom dan il-fond.
(24) Economistas sin Fronteras (Ekonomisti mingħajr Fruntieri) (2007) “Cómo fomentar la inversión socialmente responsable en España” (“Kif nistgħu nippromovu l-investiment soċjalment responsabbli fi Spanja”), UNED.
|
21.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/39 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-professjonalizzazzjoni tax-xogħol domestiku” (opinjoni addizzjonali)
2011/C 21/07
Relatur: is-Sinjura OUIN
Nhar is-16 ta’ Frar 2010, b’konformità mal-Artikolu 29 (a) tad-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ddeċieda li jħejji opinjoni addizzjonali dwar
Il-professjonalizzazzjoni tax-xogħol domestiku
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Mejju 2010.
Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 (seduta tas-26 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’133 vot favur, 7 voti kontra u 11-il astensjoni.
1. Rakkomandazzonijiet
Fit-301 sessjoni tiegħu li saret f’Marzu 2008, il-Korp Governattiv tal-ILO ddeċieda li jqiegħed ix-“xogħol domestiku” fuq l-aġenda tad-99 Sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol (li għandha ssir f’Ġunju 2010) sabiex ikun hemm diskussjoni doppja dwar il-fenomenu. L-għan huwa li jiġi identifikat l-aħjar mod biex jiġu ggarantiti d-drittijiet u kondizzjonijiet xierqa tax-xogħol adattati għal din il-kategorija ta’ ħaddiema. L-ILO diġà nediet d-diskussjoni fost l-Istati u l-imsieħba soċjali dwar l-aktar strument adatt. Il-KESE wkoll jixtieq jara l-adozzjoni ta’ strument effettiv adatt għall-ispeċifiċitajiet ta’ dan ix-xogħol. Barra minn hekk, huwa jitlob li l-partijiet interessati Ewropej, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali li:
|
1.1 |
jwettqu aktar riċerka sabiex tinkiseb informazzjoni dwar ir-regolamenti, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, tal-impjieg u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema domestiċi u l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri. L-istudji attwali huma parzjali u ma jippermettux li jsiru paraguni fil-livell Ewropew, filwaqt li s-sitwazzjonijiet huma differenti ħafna. |
|
1.2 |
jdaħħlu miżuri ġuridiċi fl-Istati Membri li jkun fihom dispożizzjonijiet fiskali, tas-sigurtà soċjali, tad-dritt tax-xogħol u tad-drittijiet ċivili li jagħtu inċentiv akbar lil dawk li jħaddmu li jimpjegaw ħaddiema domestiċi b’kuntratt formali u lill-ħaddiema domestiċi potenzjali li jagħżlu impjiegi b’kuntratti legali. |
|
1.3 |
jfasslu pariri u rakkomandazzjonijiet għall-individwi li jimpjegaw u l-ħaddiema domestiċi li jiġu impjegati li jkunu disponibbli għal kulħadd; iħeġġu d-disponibbiltà ta’ informazzjoni/taħriġ dwar l-obbligi u d-drittijiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema b’mod partikolari fejn jeżistu skemi li jipprovdu sussidji u tnaqqis tat-taxxa għal min iħaddem. |
|
1.4 |
ikomplu jiżviluppaw il-gwidi ta’ referenza li jeżistu li jiddeskrivu l-ħidma, ir-responsabbiltajiet, il-kwalitajiet u l-kompetenzi meħtieġa biex jitwettaq xogħol domestiku u familjali ta’ kwalità tajba u biex jitqabblu s-sitwazzjonijiet nazzjonali differenti. Iħeġġu d-djalogu settorjali fil-livell Ewropew dwar dawn l-attivitajiet. |
|
1.5 |
iqabblu t-tipi differenti ta’ organizzazzjonijiet (servizzi pubbliċi, intrapriżi, assoċjazzjonijiet, kooperattivi, impjieg dirett) fid-dawl tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-kwalità tas-servizz provdut. |
|
1.6 |
jagħmlu progress lejn organizzazzjoni tax-xogħol li tippermetti li jmur ħaddiem ieħor fid-dar ta’ min jimpjega jew tal-klijenti (jekk dan ma jsirx, id-dritt għall-ġranet ta’ assenza, l-assenza għal mard, dik tal-maternità u għat-taħriġ jibqgħu biss ħolma) u li jitħallas il-ħin tat-trasport bejn żewġt id-djar. Daqstant ieħor ikun meħtieġ li l-impjegati kollha, kemm irġiel kif ukoll nisa, jkunu jistgħu jidħlu f’għaqdiet tal-ħaddiema biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, joħorġu mill-iżolament u jinnegozjaw ma’ min iħaddimhom biex id-drittijiet tagħhom ikunu fuq l-istess livell ta’ dawk li jaħdmu mal-intrapriżi u l-amministrazzjonijiet. |
|
1.7 |
jipprevedu ċertifikati għall-kisba tal-esperjenza u t-taħriġ tul il-ħajja, biex jiġi rikonoxxut il-valur ta’ din il-ħidma u biex min iħaddem jew il-klijenti jkollhom garanzija tal-kapaċità professjonali ta’ dawn il-ħaddiema kollha, kemm irġiel kif ukoll nisa. |
|
1.8 |
jiffaċilitaw l-innovazzjoni fl-organizzazzjoni tas-settur biex jiġu appoġġjati l-esperimenti b’ ideat innovattivi u l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ organizzazzjoni u sħubijiet biex l-implimentazzjoni tkun aktar effettiva u valida. |
|
1.9 |
jidentifikaw, inaqqsu u jevitaw ir-riskji professjonali marbutin max-xogħol domestiku, jiggarantixxu li l-kondizzjonijiet tal-ħaddiema domestiċi ma jkunux inqas favorevoli minn dawk tal-ħaddiema l-oħra f’termini ta’ saħħa u sigurtà fix-xogħol u l-benefiċċji soċjali, inkluż l-assenza tal-maternità u l-pensjoni. |
|
1.10 |
jaġixxu kontra x-xogħol illegali li jiddomina dan is-settur u jħarsu l-ħaddiema nisa migranti f’ċirkustanzi irregolari u l-vittimi ta’ xi abbuż: jeliminaw “il-piena doppja” li jbatu dawn in-nisa meta jmorru għand il-pulizija biex jirrappurtaw xi vjolenza jew li mhux qed jitħallsu, u jintbagħtu lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Il-konvenzjonijiet internazzjonali jridu jiġu applikati u jħarsuhom (1). |
2. Kummenti ġenerali
2.1 Osservazzjonijiet
2.1.1 Dawk li jgħinu fid-dar, li jieħdu ħsieb it-tfal, il-carers, u l-home helps…xogħol li għadu jsir esklussivament min-nisa u li għadu ma sarx verament karriera, anke għaliex in-nisa tad-dar għadhom jagħmlu dan ix-xogħol bla ħlas. F’mument meta l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol qed tistudja l-kwistjoni tax-“xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi”, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali jixtieq isaħħaħ l-aproċċi li saret referenza għalihom fl-opinjoni adottata f’Ottubru 2009 dwar ir-rabta bejn l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, it-tkabbir ekonomiku u r-rata tal-impjieg (2). Din l-opinjoni enfasizzat l-importanza tal-professjonalizzazzjoni tal-impjiegi li jipprovdu servizz lill-individwi kemm għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku.
2.1.2 L-Istati Membri Ewropej jikkunsidraw is-servizzi lill-individwi bħala sors ta’ impjiegi li ma jistax jiġi rilokat. Ħafna implimentaw eżenzjonijiet mit-taxxa jew sussidji bil-għan li jiġi legalizzat ix-xogħol mhux iddikjarat, jinħoloq xogħol ġdid u biex il-benefiċjarji jkunu jistgħu isibu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja.
2.1.3 Skont ir-rapport tal-ILO, li tfassal għall-konferenza ta’ Ġunju 2010 (3), fil-pajjiżi industrijalizzati, ix-xogħol domestiku jirrappreżenta bejn 5 u 9 % tal-impjiegi totali. Fid-daħla dan ir-rapport jindika li “ix-xogħol domestiku mħallas għadu, f’ħafna pajjiżi, forma ta’ impjieg kważi inviżibbli. Dan ma jsirx ġo fabbrika jew f’uffiċċju, iżda fid-dar tal-individwi. L-impjegati mhumiex irġiel li qed iżommu familja, imma fil-parti l-kbira tal-każijiet, nisa. Ma jaħdmux flimkien ma’ oħrajn iżda waħedhom bejn erba’ ħitan. Il-ħidma tagħhom ma ssirx biex tipprovdi xi valur miżjud iżda biex tipprovdi kura jew servizzi lil miljuni ta’ djar. Il-ħidma domestika ħafna drabi tikkorrispondi mal-ħimda mhux imħallsa li tradizzjonalment issir min-nisa fi djarhom. Dan jispjega għaliex dan ix-xogħol huwa mħallas b’rata baxxa u spiss isir b’mod informali u f’sitwazzjoni irregolari. Ma jitqiesx bħala impjieg normali kopert mill-qafas ġenerali tal-liġi tax-xogħol, peress li l-oriġini remota tiegħu tmur lura għar-relazzjoni ‘sinjur-seftur’. Minħabba f’hekk ħafna mid-dispożizzjonijiet legali ma jqisux l-ispeċifiċità tar-relazzjoni tax-xogħol domestiku, u dan jesponi lill-ħaddiema għal trattament mhux ugwali, inġust u ħafna drabi abbużiv” (4) (verżjoni Maltija mhux uffiċjali)
2.1.4 Huwa jżid “Fil-mezzi tax-xandir ta’ spiss nisimgħu bi stejjer ta’ trattament ħażin u ta’ abbuż, anke vjolenza sesswali u każijiet ta’ skjavitù speċjalment fost il-ħaddiema domestiċi li jkunu migranti u li jgħixu ma’ min jimpjegahom.” Għalkemm l-għadd ta’ persuni impjegati f’dan is-settur qiegħed jiżdied b’mod kostanti, ix-xogħol domestiku jibqa’ l-aktar wieħed prekarju, l-anqas imħallas, l-anqas imħares u fost l-aktar perikolużi. Peress li huwa forma ta’ impjieg partikolari, mhux kopert mir-regolamenti internazzjonali, l-ILO ilha tfittex li toħloq regolament adattat sa mill-1948.
2.1.5 Din l-opinjoni titratta x-xogħol domestiku mħallas li jitwettaq fid-djar privati, li jinkludi l-faċendi, il-kura tat-tfal u servizzi oħra lill-individwi. Hija ma tindirizzax is-servizzi soċjali jew l-intrapriżi privati iżda s-sitwazzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema domestiċi impjegati minn individwi. Peress li dan ix-xogħol jikkonċerna numru li qed jikber ta’ persuni, dawk li jagħmluh u dawk li jibbenefikaw minnu, u għandu natura speċifika, hemm bżonn li jkollu liġi adattata għall-partikolaritajiet tiegħu.
2.1.6 Fl-Ewropa, il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema domestiċi kemm irġiel kif ukoll nisa, jiġu mqabbda minn diversi persuni. Ftit minnhom biss, u ħafna drabi jkunu nisa migranti, jgħixu ma’ min jimpjegahom. Ix-xogħol informali huwa frekwenti ħafna. Il-ħaddiema domestiċi spiss huma persuni vulnerabbli, li ma jafux drittijiethom tajjeb, li ġejjin mill-kampanja, li ftit li xejn huma kwalifikati, jew migranti li ma jitkellmux tajjeb il-lingwa tal-pajjiż li qed jospitahom.
2.1.7 Irrispettivament mis-sitwazzjoni leġislattiva, il-liġi tax-xogħol ġiet imfassla għall-intrapriżi u ħafna drabi fil-prattika mhix applikabbli għax-xogħol magħmul f’dar privata, fejn il-kontrolli huma diffiċli jekk mhux ineżistenti. Barra minn hekk, ir-regoli li jkopru l-attivitajiet bi ħlas li jiġġeneraw profitt l-anqas ma japplikaw. Filfatt dan ix-xogħol ġie kkunsidrat bħala mhux produttiv minn Adam Smith (5). Il-valur tiegħu mhux rikonoxxut, minkejja li huwa indispensabbli biex is-soċjetà taħdem tajjeb.
2.1.8 “Peress li ħafna drabi l-liġijiet tax-xogħol ma jagħtux definizzjoni ċara tal-istatus tagħhom, il-ħadddiema domestiċi spiss jisfaw barra kemm mir-regoli uffiċjali kif ukoll mill-implimentazzjoni tagħhom” (6). Għalkemm id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ma jeskludux il-ħaddiema domestiċi mir-regolamenti ġenerali tal-liġi tax-xogħol, fil-prattika, dawn ma japplikawx għalihom ħlief f’xi okkażjoni rari ħafna. L-individwi privati li jimpjegaw mhumiex informati tajjeb dwar l-obbligi u r-responsabbiltajiet tagħhom. Il-ħaddiema domestiċi huma iżolati u għalhekk isibuha diffiċli li jorganizzaw ruħhom.
2.2 Definizzjoni tal-professjonalizzazzjoni
2.2.1 Ix-xogħol li huwa kopert mill-frażi “xogħol domestiku u familjali” jgħaddi b’mod informali minn ġenerazzjoni għall-oħra fil-familja. Huwa jvarja skont il-ġenerazzjoni. Fl-Ewropa, minflok l-għażil u l-għalf tal-annimali tal-bitħa issa hemm ir-responsabbiltà li jintgħażel il-programm it-tajjeb tal-magna tal-ħasil u li ma jinxtarax ikel skadut mill-ixkaffi tal-ikel frisk fis-supermarket. Dan it-tagħlim informali jrid jiġi rikonoxxut, u l-kontenut tal-konoxxenzi u tal-kompetenzi meħtieġa definit. Hemm bżonn li jiddaħħal ukoll it-taħriġ tul il-ħajja. L-innovazzjoni teknoloġika wkoll trid tidħol f’dan is-settur bħal fis-setturi l-oħra, flimkien mal-konoxxenzi l-ġodda fil-qasam tan-nutrizzjoni jew l-eżiġenzi l-ġodda tal-ħarsien tal-ambjent.
2.2.2 Sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet ta’ dan ix-xogħol, jeħtieġ li ssir deskrizzjoni preċiża tax-xogħol li jrid isir, tar-responsabbiltajiet li jinvolvi, u liema ħiliet huma meħtieġa, kif ukoll it-taħriġ formali biex ix-xogħol isir kif suppost għal kwalunkwe klijent jew inkella tiġi validata l-esperjenza miksuba. It-taħriġ jew l-esperjenza miksuba għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ kompetenza. Huwa fl-interess ta’ min iħaddem jew tal-klijenti li jfittxu persuni li l-kompetenzi tagħhom huma ċċertifikati.
2.2.3 Il-professjonalizzazzjoni tippermetti li l-ħaddiema jkollhom l-istess drittijiet u ħarsien ta’ dawk li jaħdmu fl-uffiċji jew fil-fabbriki, salarju deċenti li jkopri wkoll il-ħin tat-trasport bejn żewġt id-djar, sigħat fissi fil-ġimgħa, il-possibblità ta’ ġranet ta’ assenza mħallsa, ir-rispett tar-regoli tal-iġene u s-sigurtà, pensjoni deċenti, il-ħarsien tal-assenza tal-maternità (7), l-assenzi mħallsa minħabba mard, kumpens f’każ ta’ invalidità, regoli dwar it-tkeċċija jew tmiem il-kuntratt, mezzi ta’ rikors f’każ ta’ abbuż u aċċess ġenwin għat-taħriġ professjonali u żvilupp fil-karriera kif jeżisti għal professjonijiet oħra. Il-ġeneralizzazzjoni tal-kuntratti tħares kemm lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem.
2.2.4 Il-professjonalizzazzjoni tfisser li dan isir impjieg ġenwin, u li tittieħed azzjoni kontra l-isterjotipi li jikklassifikaw dan ix-xogħol bħala wieħed tan-nisa. Il-progress li jsir fil-professjonalizzazzjoni jista’ jitkejjel skont il-progress fil-bilanċ bejn is-sessi.
2.3 Definizzjoni tax-xogħol domestiku
2.3.1 Il-karatteristika prinċipali tax-xogħol domestiku hija li ma jidhirx. Ix-xogħol li jsir u b’mod partikolari r-responsabbiltajiet li jieħdu l-ħaddiema domestiċi, kemm irġiel kif ukoll nisa, ma tantx jissemmgħu jew jitniżżlu. Min jimpjegahom jafda d-dar u t-tfal lil persuni li ma jistax jivverifika x’inhuma l-kompetenzi tagħhom (8). Studji (9) li saru dwar il-valur tax-xogħol li jsir fid-djar biex jiffaċilita l-ħajja ta’ kuljum tal-familja (baġit-ħin) jenfasizzaw li s-soċjetà ma’ tistax timxi jekk dan ma jsirx. Dan il-valur irid jiġi rikonoxxut.
2.3.2 Ix-xogħol domestiku u familjali jikkonċerna attivitajiet li jitwettqu minn persuni li jaħdmu mas-servizzi soċjali pubbliċi jew assoċjazzjonijiet finanzjati minn awtoritajiet pubbliċi, intrapriżi privati jew ħaddiema domestiċi permezz ta’ arranġamenti privati dikjarati jew mhux, filwaqt li min iħaddem ikun individwu. Minkejja li fil-każijiet kollha, ix-xogħol domestiku jitwettaq kważi biss min-nisa, il-kondizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg huma aħjar fis-servizzi soċjali pubbliċi u fl-intrapriżi, fejn l-impjegati jistgħu jidħlu f’għaqda tal-ħaddiema u l-imsieħba soċjali jinnegozjaw ftehimiet kollettivi u jsir ukoll monitoraġġ uffiċjali.
2.3.3 Ir-rapport tal-ILO jgħid li (10) skont il-Klassifika Internazzjonali Standard tal-Professjonijiet (ISCO) tal-BIT, ix-xogħol domestiku jiġi klassifikat f’żewġ kategoriji kbar (5 u 9), li magħhom hemm assoċjati għadd ta’ responsabbiltajiet u ċertu livell ta’ kwalifiki. “Il-kategorija l-kbira 5 tirrigwarda l-istabbilimenti kummerċjali, l-istituzzjonijiet u d-djar privati. Din tkopri żewġ kategoriji wiesa’: amministraturi u persunal fis-servizzi tal-catering (sottokategorija 512), fosthom persuni inkarigati mit-tindif, u ħaddiema relatati, u l-koki; impjegati inkarigat mill-kura u ħidma relatata, fosthom persuni inkarigati mill-kura tat-tfal u mill-kura personali fid-dar (sottokategorija 513). Ir-responsabbiltajiet li jidħlu taħt il-kategorija 5121 jenfasizzaw is-superviżjoni tas-servizzi domestiċi. Il-kategorija 5131 tiddefinixxi dawk li jieħdu ħsieb it-tfal bħala persuni li ‘jieħdu ħsieb it-tfal ta’ min jimpjegahom u jsegwu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum’, il-ħidma tagħhom tikkonsisti f’li:
|
— |
jgħinu lit-tfal jinħaslu, jilbsu u jieklu; |
|
— |
jwasslu lit-tfal l-iskola u lura d-dar u jakkumpanjawhom f’ħargiet rikreattivi; |
|
— |
jilgħabu mat-tfal jew jgħaddulhom il-ħin billi jaqrawlhom u jirrakkuntawlhom l-istejjer; |
|
— |
jżommu l-kamra tat-tfal u l-post fejn jilgħabu f’ordni; |
|
— |
jieħdu ħsieb it-tfal fl-iskola waqt il-pawża ta’ nofsinhar jew waqt pawżi oħra mill-lezzjonijiet; |
|
— |
jieħdu ħsieb it-tfal tal-iskola meta joħorġu għal xi żjara f’mużew jew positijiet oħra simili; |
|
— |
jwettqu xogħol relatat; |
|
— |
jissorveljaw ħaddiema oħra. |
B’mod simili, il-kura personali fid-dar (kategorija 5133) “tieħu ħsieb ċerti bżonnijiet personali u b’mod ġenerali tipprovdi kura fid-dar lil persuni li għandhom bżonnha minħabba f’xi kundizzjoni ta’ mard fiżiku jew mentali jew diżabbiltà, kif ukoll minħabba f’xi impediment marbut ma’ età avvanzata. Ir-responsabbiltajiet tal-ħaddiema f’din il-kategorija, li fosthom hemm il-‘carers’ fid-dar jinġabru hekk:
|
— |
għajnuna biex il-persuna tidħol u toħroġ mis-sodda u tbiddel il-ħwejjeġ kif meħtieġ; |
|
— |
tibdil tal-friex u għajnuna lill-persuna biex tinħasel; |
|
— |
servizz tal-ikel - imħejji minnhom jew minn persuni terzi – u tmiegħ ta’ persuni li għandhom bżonn l-għajnuna; |
|
— |
somministrazzjoni tal-mediċini preskritti jew attenzjoni li l-persuna tkun ħadithom; |
|
— |
osservazzjoni ta’ kull sinjal li l-kondizzjoni tas-saħħa tal-persuna sejra lura u rappurtar ta’ dan lit-tabib kuranti jew lis-servizz soċjali kompetenti; |
|
— |
twettieq tax-xogħol relatat; |
|
— |
sorveljanza ta’ ħaddiema oħra. |
‘Is-sottokategorija 913 tirrigwarda preċiżament home helps u ajutanti oħra, min inaddaf u ħasselin’. Dan ikopri xogħol magħmul fid-dar tal-individwi, fil-lukandi, fl-uffiċċji, fl-isptarijiet u l-istabbilimenti l-oħra, kif ukoll fuq ġewwa u l-aċċessorji ta’ kull tip ta’ vettura biex jinżammu nodfa. Din is-sottokategorija tinkludi home helps, dawk li jnaddfu d-dar, il-ħasselin u min jgħaddi l-ħwejjeġ. Il-home helps u dawk li jnaddfu d-dar li jidħlu fil-kategorija 9131 ‘jikinsu, jnaddfu bil-vacuum cleaner, jaħslu u jillustraw l-art, jieħdu ħsieb il-friex, jagħmlu x-xirja tal-ikel u ta’ prodotti oħra meħtieġa fid-dar, iħejju l-ikel, iservuh u jagħmlu diversi xogħolijiet domestiċi oħra.’”
2.3.4 Anke jekk il-kura medika mhijiex parti mix-xogħol domestiku, persuna li qed tgħin fid-dar jew tieħu ħsieb it-tfal żgħar trid tkun kapaċi tagħti l-mediċina lill-persuni li tkun qed tieħu ħsieb u tirreaġixxi f’każ ta’ problema li tqum f’daqqa waħda u li tipperikola l-ħajja tal-persuna li tkun qed tieħu ħsieb. Trid tkun imħarrġa biex tkun tista’ tagħmel dan.
2.3.5 Il-persuni li jkunu qed iwettqu dan ix-xogħol, fl-assenza ta’ min jimpjegahom jew jekk dan ikun f’sitwazzjoni ta’ dipendenza jridu jkunu awtonomi u kapaċi jorganizzaw il-ħin, iridu jispiraw il-fiduċja – f’idejhom qed jiġu fdati ċ-ċwievet tad-dar, it-trabi, il-ġenituri anzjani, jiġifieri dak kollu li hu l-aktar prezzjuż, irid ikollhom sens ta’ responsabbiltà, ikunu kapaċi jieħdu inizjattiva, iżommu d-diskrezzjoni u meta jkollhom ir-responsabbiltà sħiħa tat-tfal jew ta’ persuni dipendenti, jridu jkunu kapaċi jmexxu affarijiet differenti fl-istess ħin, ikunu attenti, sensittivi, persważivi, paċenzjużi, kalmi, kapaċi jżommu l-konċentrazzjoni, jisimgħu, juru awtorità u jafu x’għandhom jagħmlu f’każ ta’ inċident. Iridu jesprimu l-empatija, u jkollhom idea tal-psikoloġija, ir-regoli ta’ dieta bbilanċjata u l-iġene.
2.4 Karatteristiċi tax-xogħol domestiku
2.4.1 Ix-xogħol domestiku huwa prekarju u mħallas ħażin għaliex il-valur tiegħu mhuwiex rikonoxxut, anke għaliex isir b’xejn min-nisa tad-dar. Min jimpjega huwa individwu li ma jistgħax jew ma jridx iħallas aktar. Ix-xogħol isir min-nisa li jaħdmu waħedhom, ħafna drabi għand iktar minn persuna waħda, dawn ma jistgħux jingħaqdu flimkien, jistrajkjaw jew iżommu l-produzzjoni biex jappoġġjaw it-talbiet tagħhom kif jistgħu jagħmlu l-impjegati f’intrapriża. L-isterjotipi dwar dan ix-xogħol u dwar l-immaġni tal-mara u tal-omm jaħbu l-ħiliet meħtieġa. Il-post tax-xogħol huwa dar privata li mhux possibbli tiġi kontrollata, u ħafna drabi x-xogħol isir minn migranti irregolari, mingħajr drittijiet.
2.4.2 Il-prekarjetà hija inerenti għal dawn l-attivitajiet, minħabba fil-ħtiġijiet tad-djar: it-tfal jikbru u jsiru awtonomi, l-anzjani dipendenti jmutu u meta r-riżorsi finanzjarji tal-familja jonqsu minħabba f’xi qgħad pereżempju, dawn ma jibqgħux iħaddmu persuna magħhom id-dar.
3. Kummenti partikolari
3.1 Definizzjoni tal-professjonalizzazzjoni
3.1.1
3.1.1.1 Ix-xogħol bi ħlas tan-nisa, rekwiżit għall-ugwaljanza bejn is-sessi, ħoloq il-ħtieġa ta’ servizzi li jieħdu post ix-xogħol li kienet tagħmel il-mara tad-dar. Dan żied ukoll ir-riżorsi finanzjarji tal-familji, b’mod li xi wħud minnhom jistgħu jfittxu dawn is-servizzi u dan ħoloq aktar impjiegi.
3.1.1.2 Dawn is-servizzi ġew żviluppati, għaliex huma indispensabbli biex jippermettu l-bilanċ bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol. In-nisa u l-irġiel għandhom ikunu jistgħu jimpenjaw ruħhom fil-ħajja professjonali mingħajr ħsara għall-ħajja familjali u professjonali tagħhom, li f’dak il-każ ikollhom bżonn jafdaw parti mix-xogħol domestiku u familjali lil persuni terzi.
3.1.1.3 Biex jinħoloq bilanċ bejn il-parteċipazzjoni tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol, u jiġu indirizzati l-bżonnijiet ġodda li qed jinħolqu bit-tixjieħ tal-popolazzjoni, fil-futur dawn is-servizzi jridu jiżviluppaw aktar u għalhekk ser jikkonċernaw aktar ħaddiema.
3.1.2
3.1.2.1 Biex jiżviluppaw dawn is-servizzi, hemm bżonn li tiġi garantita l-kwalità, it-taħriġ li diġà jeżisti jiddaħħal għall-kategorija kollha, jiddaħħal it-taħriġ tul il-ħajja biex ikun hemm aġġornament u jiżdiedu l-possibbiltajiet ta’ kontroll tal-kompetenzi. Il-professjonalizzazzjoni ta’ dawn l-impjiegi twassal biex titjieb il-kwalità għall-klijenti, il-benefiċjarji u għall-impjegati. Dan huwa l-aktar mod żgur biex jiġi garantit li fil-futur ikun hemm persuni li jixtiequ jagħmlu dan ix-xogħol.
3.1.3
3.1.3.1 Huwa fatt magħruf li fl-Ewropa n-nisa huma aktar milquta mill-faqar mill-irġiel. Il-pagi baxxi, il-prekarjetà u x-xogħol mhux dikjarat li huma tipiċi tax-xogħol domestiku huma fatturi ta’ esklużjoni soċjali. Fl-Ewropa, ix-xogħol domestiku huwa l-aktar settur li fih isir xogħol mhux iddikjarat, u jaqbeż il-kostruzzjoni u l-catering (11).
3.1.4
3.1.4.1 Il-każijiet ta’ skjavità rappurtati fl-Ewropa jirrigwardaw ħaddiema domestiċi f’sitwazzjoni irregolari, li ma jiġux imħallsa fuq il-wegħda li ser jiksbulhom id-dokumenti li jeħtieġu. Dawn il-ħaddiema huma l-aktar vulnerabbli, huma ma jazzardawx jitkellmu dwar it-trattament ħażin, il-vjolenza u l-abbużi sesswali għaliex jibżgħu li jiġu mkeċċija. Ix-xogħol domestiku għandu jkun kopert mit-tip ta’ immigrazzjoni magħżula li llum timmira lejn persuni kwalifikati tajjeb ħafna. Is-sitwazzjoni demografika tal-Ewropa toħloq il-ħtieġa li l-immigrazzjoni tlaħħaq speċjalment mal-bżonnijiet tal-anzjani dipendenti.
3.1.4.2 Ix-xogħol informali jċaħħad lill-ħaddiema mill-protezzjoni soċjali u lis-soċjetà sħiħa mit-taxxi u l-kontribut fis-sistema ta’ ħarsien soċjali. Huwa joħloq idea ħażina tax-xogħol domestiku, u jagħmlu impjieg tat-tieni klassi, u dan iħeġġeġ l-isterjotipi u jwaqqa’ l-professjoni. Huwa jżid ir-riskji tal-faqar.
3.1.4.3 Biex jonqos ix-xogħol mhux iddikjarat li jsir fid-djar hemm bżonn ta’ għadd ta’ miżuri li jkunu integrati fis-sistema ġuridika tal-Istati Membri differenti, fosthom dispożizzjonijiet fiskali, tas-sigurtà soċjali, tad-dritt tax-xogħol u tad-drittijiet ċivili. L-inklinazzjoni li wieħed jipproponi jew jaċċetta impjieg mhux iddikjarat hija spiss marbuta ma’ raġunijiet ekonomiċi, peress li dan it-tip ta’ impjieg ikun aktar vantaġġjuż għaż-żewġ partijiet minn wieħed iddikjarat. Il-miżuri tal-Istati Membri jridu jfittxu li jnaqqsu d-differenzi fil-vantaġġi u jkunu appoġġjati wkoll minn miżuri adattati għall-kondizzjonijiet soċjali u kulturali lokali (kampanji fil-mezzi tax-xandir, eżempji mogħtija minn personalitajiet pubbliċi, informazzjoni dwar ir-riskji tax-xogħol mhux iddikjarat).
3.2 Kondizzjonijiet tax-xogħol
3.2.1 L-organizzazzjonijiet ta’ dawk li jħaddmu u l-ħaddiema, f’għaqdiet tal-ħaddiema, innegozjaw ftehimiet kollettivi. Huwa fuq din il-bażi li jridu jittejbu l-kondizzjonijiet tal-ħaddiema domestiċi. Għandha ssir riċerka dwar il-ftehimiet kollettivi li jeżistu bħalissa għall-ħaddiema domestiċi fl-Ewropa u jiġu adottati l-aħjar prattiki biex ikunu jistgħu jiġu disseminati. Għandhom jitqabblu wkoll it-tipi differenti ta’ organizzazzjoni (intrapriżi, assoċjazzjonijiet, kooperattivi, impjieg dirett) fid-dawl tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-kwalità tas-servizz provdut.
3.2.2 F’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, kemm l-individwi li jimpjegaw kif ukoll il-ħaddiema domestiċi mhumiex infurmati tajjeb dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Min iħaddem ma jqisx il-mara li tiġi tnaddaf jew dik li tieħu ħsieb it-tfal bħala impjegata li għandha d-drittijiet tagħha. Minħabba fl-isterjotipi, hija tiġi meqjusa bħala għajnuna u li qed jagħmlulha pjaċir għaliex qed joffrulha ftit sigħat ta’ xogħol. Ħafna drabi ma jkun hemm l-ebda kuntratt iffirmat bejn iż-żewġ partijiet, li jfisser li l-kondizzjonijiet tal-impjieg, is-salarju, il-ġranet ta’ assenza, is-sigħat, id-deskrizzjoni tax-xogħol, il-waqfien tal-kuntratt u l-kumpens tat-tkeċċija ma jiġux definiti b’mod ċar. Hemm bżonn li d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull naħa jsiru aktar ċari, dan jipproteġi wkoll lil min iħaddem li jrid ikun aktar sensittiv għar-riskji li jkun qed jieħu meta jimpjega persuna għandu (serq, inċidenti) u tar-responsabbiltajiet tiegħu.
3.2.3 L-iġene u s-sigurtà: hemm idea żbaljata li x-xogħol domestiku ma fihx riskji. Ħruq, feriti minn xi qata’, intossikazzjoni mill-prodotti tad-dar, waqgħat u xokkijiet tal-elettriku mill-apparat tad-dar huma inċidenti frekwenti, speċjalment jekk min iħaddem jew il-klijent ma jkunx konxju li jrid jirrispetta r-regolamenti tas-sigurtà u l-ħaddiema ma tkunx informata bil-perikli u mħarrġa biex tevitahom.
3.2.4 Saħħa, ħarsien tal-maternità, pensjoni: il-waqfa minħabba fil-maternità spiss tirriżulta fi tkeċċija, għaliex min iħaddem ikollu bżonn li xi ħadd jagħmillu x-xogħol domestiku u b’hekk iqabbad lil ħaddieħor u ma jħossux obbligat li jerġa’ jimpjega lil dik li tkun waqfet għal raġunijiet ta’ maternità. Minħabba li ma teżistix organizzazzjoni li tipprovdi ħaddiema sostituti temporanji, l-implimentazzjoni tal-liġi hija iktar diffiċli u konsegwentement din tibqa’ biss teorija. Is-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-pensjoni mhumiex adattati għal ħidma ta’ xi ftit sigħat għand diversi individwi.
3.2.5 Kwalifiki u formazzjoni: il-kompetenzi meħtieġa ilhom jgħaddu b’mod informali. Wieħed jinnota li għal xi snin it-trasmissjoni fil-familja m’għadiex issir daqs kemm kienet qabel. Xi ommijiet żgħażagħ ma jħossuhomx ippreparati għat-twelid tal-ewwel tarbija tagħhom, u xi ġenituri żgħażagħ m’għadhomx jafu jħejju ikliet ibbilanċjati, filwaqt li jippreferu ikliet lesti, waħda mir-raġunijiet għall-obeżità fost it-tfal. Jekk ix-xogħol u l-ħiliet jiġu identifikati u jiġu mgħallma tista’ tiżdied il-possibbiltà li dawn jitħarrġu iktar anke mill-irġiel.
Brussell, 26 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Ara l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-istatut legali tal-ħaddiema migranti u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin.
(2) ĠU C 318, 23.12.2009, p. 15.
(3) Ara d-dokument tal-ILO “Xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi”, ir-IV rapport għall-konferenza internazzjonali dwar ix-xogħol id-99 sessjoni 2010. http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/@ed_norm/@relconf/documents/meetingdocument/wcms_104701.pdf
(4) Ara ibid, p.1.
(5) Ara ibid, p.11.
(6) Ibidem.
(7) Ir-reviżjoni tad-direttiva dwar l-assenza tal-maternità (Direttiva 92/85/KEE tal-Kunsill, 19.10.1992) daħħlet id-dritt għal din l-assenza għall-ħaddiema domestiċi.
(8) ĠU C 277,17.11.2009, p. 102.
(9) Housework: priceless or valueless? ta’ Marianne A.Ferber u Bonnie G.Birnbaum (1977) http://www.roiw.org/1980/387.pdf;
Time Use in Child Care and Housework and the Total Cost of Children, ta’ Björn Gustafsson u Urban Kjulin © 1994 Springer http://www.jstor.org/pss/20007438
(10) Ara n-noti f’qiegħ il-paġna 3, 31 u 32
(11) Ara “Undeclared work in the European Union”, Special Eurobarometer 284, wave 67, 3.11.2007, p. 21.
III Atti preparatorji
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-463 sessjoni plenarja tas-26 u s-27 ta’ Mejju 2010
|
21.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/44 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-“Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Għażliet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-istabbiliment ta’ Netwerk Ewropew ta’ Ċentri ta’ Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali”
COM(2009) 584 finali
2011/C 21/08
Relatur: is-Sur E. NIELSEN
Nhar it-28 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ir-
Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Għażliet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali
COM(2009) 584 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Mejju 2010.
Matul l-463 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta' Mejju 2010 (seduta tas-26 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’106 voti favur, 2 voti kontra u astensjoni 1.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Hemm bżonn sistema ta' tikkettjar li toffri lill-konsumaturi l-possibbiltà li jagħżlu l-prodotti tal-annimali b’mod oġġettiv meta r-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-UE. Dan it-tikkettjar għandu jagħti garanzija viżibbli fuq il-bażi ta' informazzjoni affidabbli li tkun adatta għall-komunikazzjoni mal-konsumaturi.
1.2 Is-sistema għandha tevalwa u tqabbel in-normi fuq bażi xjentifika. Is-sistema għandha tkun volontarja, armonizzata, orjentata lejn is-suq u bbażata fuq iċ-ċertifikazzjoni; għandha tkun tista’ tiġi kkombinata wkoll ma' tikketti privati u tikketti tal-kwalità bil-kundizzjoni li jiġu rispettati ċerti kriterji speċifiċi. Barra minn hekk, is-sistema ta' tikkettjar għandha tkun konformi mal-impenji internazzjonali u għandha tkun tista’ tiġi applikata bl-istess kundizzjonijiet għall-importazzjonijiet fl-UE.
1.3 Il-KESE jilqa’ l-istudji fil-fond li saru fuq talba tal-Kummissjoni u li permezz tagħhom ġie evalwat l-impatt tal-għażliet differenti b’rabta mas-sistema ta' tikkettjar u n-Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza. Jidher li l-istudji jindikaw b’mod ċar li l-aktar possibbiltà realistika hija sistema ta' tikkettjar kif inhi ppreżentata hawn fuq; dan jaqbel ukoll mar-rakkomandazzjonijiet li saru qabel mill-KESE (1).
1.4 Minkejja dan, il-Kummissjoni ma tanalizzax x’inhu meħtieġ għall-hekk imsejħa “sistema ta' garanzija” u ma tistabbilixxi l-ebda prijorità għal dawn l-għażliet. Tħalli l-kwistjoni miftuħa, għalkemm il-parti l-kbira tal-għażliet mhumiex realistiċi. Kien ikun aktar siewi u ta' benefiċċju għall-proċess, li kieku l-Kummissjoni fasslet proposta konkreta bħala bażi għal aktar diskussjonijiet. Dan huwa aktar u aktar minnu fid-dawl tal-fatt li sentejn ilu l-Kunsill talab lill-Kummissjoni tikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE bħala bażi għal aktar diskussjonijiet.
1.5 Id-diskussjoni m’għandhiex tieħu ħafna żmien mingħajr ma jkun meħtieġ, speċjalment fil-kuntest tal-proġett “Welfare Quality” (2), li r-riżultati tiegħu għandhom jiġu applikati fil-prattika mill-aktar fis possibbli. Barra minn hekk, in-netwerk attwali bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati u l-impenn tar-riċerkaturi għandhom jinżammu u jintużaw bla ma jintilef wisq ħin fuq id-diskussjoni tal-possibbiltajiet teoretiċi mingħajr proposti konkreti.
1.6 Il-proġett “Welfare Quality” ħoloq bażi soda għall-iżvilupp ta' indikaturi xjentifiċi bbażati l-ewwel u qabel kollox fuq il-benessri u l-imġiba tal-annimali, u b’hekk b’mod indirett ibbażati wkoll fuq is-sistemi u l-metodi tal-produzzjoni użati. Dawn l-indikaturi jistgħu jkomplu jiġu żviluppati fi klassifikazzjoni b’informazzjoni trasparenti u affidabbli għall-konsumatur.
1.7 Għaldaqstant, il-KESE jappoġġja l-istabbiliment ta' Netwerk Ewropew bħala forma ta' żvilupp ulterjuri tal-proġett “Welfare Quality”. B’konformità mar-rakkomandazzjonijiet li diġà għamel, il-KESE jemmen li fost l-għażliet imsemmija l-aħjar waħda hija li s-sistema ta' tikkettjar tingħaqad ma' netwerk koordinat f’livell ċentrali. L-atturi kkonċernati għandhom ikunu jistgħu jinfluwenzaw minn kmieni u b’mod konsiderevoli l-funzjonament tas-sistema u l-istabbiliment tan-normi.
1.8 Is-sistema proposta għandha tikkomplementa r-regoli attwali tal-UE dwar il-kwalità fil-forma ta' termini riżervati għall-prodotti u s-sistemi tal-produzzjoni ekoloġiċi tal-bajd, kif ukoll ir-regoli dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali, li jirreferu l-ewwel u qabel kollox għas-sistemi tal-produzzjoni u l-oriġini u mhux għall-benessri tal-annimali.
2. Sfond
2.1 L-użu ta' indikaturi li jistgħu jitkejlu, normi aktar stretti tal-benessri tal-annimali, it-tikkettjar u l-istabbiliment ta' netwerk Ewropew huma elementi prinċipali tal-pjan ta' azzjoni għall-benessri tal-annimali li ħejjiet il-Kummissjoni (3). L-għan huwa li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu aħjar il-prodotti tal-annimali li jiġu prodotti skont normi tal-benessri tal-annimali li huma aktar stretti mir-rekwiżiti minimi tal-UE. Dan jista’ jsir billi jittejbu l-informazzjoni u s-sensibilizzazzjoni fuq il-benessri tal-annimali, billi jitħejjew normi kif ukoll bl-iskambju u l-użu tal-aħjar prattiki fil-qafas tan-netwerk Ewropew għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali. Bħala r-rappreżentant tas-soċjetà ċivili u fid-dawl tad-diversità tal-kompożizzjoni tiegħu, huwa naturalment il-kompitu tal-KESE li jagħti l-kontribut tiegħu għall-istabbiliment ta' sistema flessibbli u li tiffunzjona.
2.2 Ir-rapport huwa tweġiba għat-talba li għamel il-Kunsill f’Marzu 2007 biex jiġu evalwati l-possibbiltajiet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali. Il-bażi hija l-opinjoni esploratorja tal-KESE u l-konferenza ta' segwitu (4). Il-Kunsill talab lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltajiet għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jesploraw kemm hu prattiku li tiġi introdotta sistema ta' tikkettjar fuq il-bażi ta' indikaturi għall-benessri tal-annimali b’konformità mal-objettivi tal-proġett “Welfare Quality”. Barra minn hekk, bħall-KESE, il-Kunsill irrakkomanda li ssir ukoll kampanja ta' informazzjoni fil-livell tal-UE dwar il-benessri tal-annimali u s-sistema ta' tikkettjar.
2.3 L-annessi ta' mar-rapport fihom studji esterni komprensivi dwar l-għażliet kemm għat-tikkettjar tal-benessri tal-annimali u l-komunikazzjoni dwar il-benessri tal-annimali kif ukoll għall-aspetti relatati mal-istabbiliment ta' netwerk Ewropew. B’konformità mat-talbiet tal-Kunsill, id-diskussjoni interistituzzjonali dwar ir-rapport u l-istudji għandha tibni l-bażi għal aktar riflessjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni.
2.4 Fir-rapport u fil-paragun korrispondenti tal-istudji tas-servizzi tal-Kummissjoni hemm taqsira tal-għażliet disponibbli għal sistemi ta' tikkettjar obbligatorji u volontarji differenti, mingħajr ma tingħata prijorità lil xi għażla partikolari. Madankollu, jidher ċar li s-sistema futura għandha tkun imsejsa fuq informazzjoni faċli għall-konsumaturi, fuq bażi xjentifika, fuq l-użu ta' korpi taċ-ċertifikazzjoni indipendenti, fuq il-garanzija li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni kif ukoll fuq il-konformità mal-impenji internazzjonali.
2.5 Il-Kummissjoni temmen li n-Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza jista’ jarmonizza n-normi u l-indikaturi, jikkoordina r-riżorsi disponibbli, jagħti kontribut għall-iskambju tal-prattiki t-tajba, jiggarantixxi informazzjoni indipendenti kif ukoll jikkontribwixxi biex jiġi evitat l-irduppjar tax-xogħol. L-għażliet possibbli huma: jew li kollox jibqa’ miexi kif inhu mingħajr miżuri addizzjonali, jew li jiġi adottat approċċ ċentralizzat, jew inkella li tiġi adottata strateġija aktar iffokata fuq il-kompiti speċifiċi li tinvolvi elementi ċentralizzati u oħrajn deċentralizzati.
2.6 Il-Kummissjoni ser teżamina, fost affarijiet oħra, l-iżvantaġġi amministrattivi u l-ispejjeż kif ukoll ir-relazzjoni bejn is-sistemi ta' tikkettjar għall-prodotti ta' kwalità, pereżempju għall-agrikoltura organika. Hawnhekk għandhom jintużaw ir-riżultati tal-proġett “Welfare Quality” u għandhom jiġu eżaminati r-riżultati tal-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali possibbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tagħmel studji oħra sabiex tistabbilixxi jekk l-opinjonijiet espressi fi stħarriġ preċedenti nbidlux, u jekk ikun il-każ, għaliex.
3. Kummenti
3.1 Il-KESE jappoġġja wkoll il-pjan ta' azzjoni għall-benessri tal-annimali li ħejjiet il-Kummissjoni (5) u jemmen li huwa pożittiv li l-protokoll dwar il-protezzjoni u l-benessri tal-annimali ngħata aktar importanza fit-Trattat ta' Lisbona, u dan jirrifletti l-interess dejjem akbar f’dan is-suġġett (6).
3.2 L-analiżijiet li saru jsemmu l-ħtieġa ta' approċċ aktar koerenti u koordinat aħjar fir-rigward tal-protezzjoni u l-benessri tal-annimali fl-UE. Il-ħafna sistemi volontarji ta' tikkettjar u ta' kwalità fl-Istati Membri jistgħu joħolqu konfużjoni jew iwasslu għal distinzjonijiet mhux mixtieqa u mhux oġġettiva tal-prodotti. Barra minn hekk, joħolqu wkoll kundizzjonijiet inekwi għall-partijiet ikkonċernati fil-katina tal-produzzjoni u tal-kummerċ.
3.3 Il-konsumaturi jistgħu jagħtu prijorità lill-benessri tal-annimali għal raġunijiet etiċi, kwalitattivi jew għal raġunijiet oħra, però minħabba n-nuqqas ta' dokumentazzjoni m’għandhomx fiduċja fil-validità u l-affidabbiltà tal-argumenti użati fil-kummerċjalizzazzjoni. Għaldaqstant, id-dokumenti oġġettivi fuq bażi xjentifika huma indispensabbli sabiex jiġu kummerċjalizzati aħjar il-prodotti tal-annimali li jaqbżu r-rekwiżiti minimi tal-UE. Huwa ċar ukoll li t-tikkettjar jista’ jkollu l-effett mixtieq biss jekk l-informazzjoni tkun tinfiehem u jekk il-konsumaturi jkunu infurmati biżżejjed dwar xi tfisser din l-informazzjoni u jkunu interessati fiha.
3.4 Għalhekk tinħtieġ garanzija viżibbli fuq il-bażi ta' informazzjoni oġġettiva u affidabbli. B’konformità mal-opinjoni tiegħu tal-2007, il-KESE jappoġġja l-isforzi relatati ma' dan mingħajr riżervi. Il-KESE jilqa’ l-ħidma fil-fond li sar sadanittant u jifhem li kien hemm bżonn ħafna ħin għal din il-ħidma.
3.5 Madankollu, kien ikun aktar ta' benefiċċju li kieku l-Kummissjoni kklassifikat l-għażliet disponibbli skont il-prijorità u fasslet proposta jew xi proposti bħala punt tat-tluq għall-proċess politiku sussegwenti, fosthom anke proposta bbażata fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE. Milli jidher, l-analiżijiet komprensivi jsaħħu b’mod ċar ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE, li skonthom is-sistema ta' tikkettjar għandha tkun volontarja, armonizzata u orjentata lejn is-suq b’mod realistiku sabiex tinħoloq possibbiltà prattika u realistika għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-annimali li jaqbżu r-rekwiżiti minimi.
3.6 Il-Kummissjoni għandha tibbaża wkoll fuq il-ħidmiet komprensivi li saru f’dan il-qasam madwar l-Ewropa kollha – sistemi bbażati fuq l-għarfien li jinfurmaw kemm lill-fornituri kif ukoll lill-produtturi tal-prodotti u s-servizzi u li jħeġġu miżuri orjentati lejn is-suq u l-imġiba korrispondenti min-naħa tal-konsumaturi. Xi eżempji huma t-tikketta tal-kummerċ ġust, il-Forest Stewardship Council, il-Marine Stewardship Council u r-Rainforest Alliance. L-amministrazzjoni tas-sistema, l-iskop, l-objettivi u d-definizzjoni ta' normi għandhom jitqiesu bħala elementi essenzjali. Għandhom jiġu ggarantiti wkoll il-kontroll indipendenti, il-valutazzjoni tal-impatt u l-analiżi tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji kif ukoll il-monitoraġġ tal-istqarrijiet pubbliċi u r-reklami (7).
3.7 Il-koordinazzjoni tar-riċerka tista’ tiżgura li r-riżorsi jintużaw aħjar, u l-KESE jemmen li huwa importanti li jsir progress fid-diskussjonijiet interistituzzjonali, speċjalment fil-kuntest tal-proġett “Welfare Quality”, li r-riżultati tiegħu għandhom jiġu applikati fil-prattika mill-aktar fis possibbli, kif ukoll biex jinżamm l-impenn tar-riċerkaturi u titkompla l-ħidma fuq il-bażi tar-riżultati li nkisbu s’issa, bla ma jintilef wisq ħin fuq id-diskussjoni tal-possibbiltajiet teoretiċi mingħajr proposti konkreti. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta' netwerk ma' riċerkaturi f’pajjiżi terzi ewlenin huwa essenzjali biex ikomplu jinxterdu r-riżultati tar-riċerka u tinfiehem aħjar il-politika tal-UE. Dan huwa importanti għar-relazzjonijiet futuri tal-kummerċ.
Sistema ta' tikkettjar
3.8 Għalkemm l-analiżi ma tasal għall-ebda konklużjoni ċara rigward is-sistema ta' tikkettjar, jidher li qed tindika b’mod indirett li l-aktar għażla realistika hija sistema sempliċi u flessibbli. Fil-punti ewlenin kollha, dan jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-KESE, li huma msejsa fuq bażi xjentifika, fuq il-kundizzjonijiet tas-suq, fuq il-prinċipju ta' sistema volontarja u fuq il-possibbiltà li s-sistema tintuża flimkien ma' tikketti privati u tikketti tal-kwalità.
3.9 Għaldaqstant, il-KESE għadu jemmen li bażikament is-sistema għandha tkun ibbażata fuq dawn l-elementi:
|
— |
Fiċ-ċentru(/i) ta' referenza proposti jiġu stabbiliti l-kriterji oġġettivi meħtieġa fid-dawl tal-istennija tal-ħajja tal-annimal, u dawn il-kriterji jiġu tradotti f’kundizzjonijiet tal-produzzjoni prattiċi u realistiċi sabiex tiġi promossa l-aħjar interazzjoni possibbli bejn ir-riċerka, l-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda (8). |
|
— |
Il-kriterji għandhom jiġu tradotti f’normi (9) li jiġu applikati fis-sistema ta' tikkettjar. Hawnhekk għandhom jiġu kkunsidrati, fost affarijiet oħrajn, l-aspetti tal-kejl u l-kontroll permezz ta' korp indipendenti filwaqt li jitqiesu l-kontributi tal-partijiet ikkonċernati. |
|
— |
Il-produtturi u n-negozjanti mbagħad ikunu jistgħu jagħżlu, fuq bażi volontarja, li fuq il-prodotti tal-annimali jpoġġu logo rikonoxxut mill-UE li jiċċertifika l-konformità ma' normi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tal-UE. |
|
— |
In-normi jistgħu, pereżempju, jirriflettu tliet livelli differenti fuq ir-rekwiżiti minimi skont kemm dan ikun rilevanti għall-ispeċi jew il-prodott partikolari (10). |
|
— |
Il-garanzija tal-konformità mar-rekwiżiti speċifiċi u l-kontroll tal-użu tat-tikkettjar għandu jkun soġġett għall-awtokontroll u l-monitoraġġ indipendenti (11). |
3.10 B’dan il-mudell, l-applikazzjoni, il-kontroll u l-użu tal-logo jsiru skont il-kundizzjonijiet tas-suq u b’mod indipendenti mill-awtoritajiet. Biż-żieda volontarja tal-logo (flimkien ma' sistema ta' stilel, kuluri jew punti) mat-tikketti attwali, il-proposta ssolvi wkoll il-problema tal-ħafna tikketti li jagħtu ħafna informazzjoni żejda. Din l-informazzjoni tasal għand il-konsumaturi interessati u motivati, u l-fiduċja fis-sistema tkun imsejsa fuq bażi xjentifika u ċertifikazzjoni indipendenti.
3.11 Iż-żmien għall-introduzzjoni tas-sistema għandu bilfors jirrifletti l-ħtiġijiet tas-suq, però l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-intrapriżi u l-kummerċ bl-imnut għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw is-sistema għas-sensiela ta' prodotti tagħhom sakemm dawn il-prodotti jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi, u jikkummerċjalizzawhom b’mod korrispondenti. Għalhekk, pereżempju, is-sistema għandha tiġi applikata b’mod kompatibbli mat-tendenza dejjem akbar tal-“branding”, li fiha s-settur tal-kummerċ bl-imnut ma jużax it-tikkettjar iżda metodi oħra biex juri li l-produzzjoni tiegħu tirrispetta l-annimali.
3.12 Is-sistema tista’ tiġi applikata bl-istess kundizzjonijiet għall-prodotti importati mingħajr ma jinħolqu problemi fir-rigward tar-regoli tad-WTO, għaliex skont id-WTO s-sistemi volontarji ta' tikkettjar huma permessi sakemm ikunu adatti u aċċessibbli għall-produtturi minn pajjiżi terzi bl-istess kundizzjonijiet.
3.13 L-approċċ orjentat lejn is-suq jassumi, fost affarijiet oħra, li s-sistema tkun attraenti biżżejjed għall-konsumaturi u għall-bejjiegħa bl-imnut, u li l-ispejjeż tal-produtturi jiġu kumpensati billi jittejjeb l-aċċess għas-suq u permezz ta' prezzijiet ogħla.
Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza
3.14 Sabiex il-benessri tal-annimali jiżviluppa b’mod effettiv u oġġettiv għandhom jiġu involuti l-istituti ta' riċerka kompetenti li jeżistu bħalissa fl-UE. Għaldaqstant, il-KESE huwa favur l-istabbiliment ta' netwerk Ewropew f’dan il-qasam, li jkun koordinat minn ċentru ta' referenza wieħed jew aktar u li jkun organizzat b’mod li jixbah iċ-ċentri ta' referenza attwali fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (12).
3.15 L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR) u l-laboratorji ta' referenza nazzjonali qed jindirizzaw sa ċertu punt il-kwistjonijiet tal-benessri tal-annimali, però mhumiex adatti biex jikkoordinawhom fil-livell tal-UE. In-netwerk għandu jikkomplementa l-attivitajiet tal-istituti tal-UE, u mhux jagħmel xogħol doppju. Fil-prinċipju għandu jiġi indirizzat kull tip ta' użu tal-annimali għal finijiet ekonomiċi b’mod indipendenti mill-interessi esterni.
3.16 In-netwerk għandu jieħu dawn il-kompiti, li huma marbutin flimkien:
|
— |
li jistabbilixxi u jaġġorna l-indikaturi għall-evalwazzjoni tal-benessri tal-annimali fuq bażi xjentifika u fid-dawl tas-suġġerimenti tal-partijiet interessati; |
|
— |
li jagħmel valutazzjonijiet tal-impatt għall-miżuri u t-titjib tal-benessri tal-annimali; |
|
— |
li jkompli jiżviluppa r-riċerka u l-bażi xjentifika għall-aġġornar tan-normi; |
|
— |
li jipprovdi l-informazzjoni, imexxi d-djalogu dwar l-applikazzjoni tan-normi u jikkontribwixxi biex ikun hemm benessri tal-annimali aktar attiv fil-livell dinji. |
3.17 Mil-lat organizzattiv, l-aħjar soluzzjoni hija li jitkompla n-netwerk attwali tal-“Welfare Quality” u jintrabat ma' netwerk akbar fil-pajjiżi terzi kkonċernati. Il-proġett “Welfare Quality” ħoloq il-bażi għall-iżvilupp ta' sistema ta' tikkettjar billi tfasslu indikaturi xjentifiċi għall-annimali, li jistgħu jkomplu jiġu żviluppati fil-klassifikazzjoni msemmija hawn fuq b’informazzjoni trasparenti u affidabbli għall-konsumatur.
3.18 In-normi proposti min-netwerk għandhom jiġu adottati minn korp indipendenti. Billi l-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet ikkonċernati hija kundizzjoni importanti biex tiffunzjona s-sistema, dawn għandhom jiġu involuti b’mod kemm jista’ jkun wiesa’ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, pereżempju fit-tfassil tal-istrateġija u l-programm ta' ħidma.
Kwistjonijiet oħra
3.19 Il-proposta tal-KESE dwar it-tikkettjar tal-benessri tal-annimali hija bbażata fuq l-għarfien u l-evalwazzjonijiet xjentifiċi l-aktar reċenti. Ir-rekwiżiti armonizzati jippermettu lill-konsumatur jieħu deċiżjonijiet b’mod infurmat u b’hekk jinħolqu l-inċentivi għall-produtturi. Madankollu, biex iseħħ dan, għandhom isiru kampanji ta' informazzjoni u programmi edukattivi bil-għan li jissensibilizzaw lin-nies dwar il-benessri tal-annimali, in-normi u t-tikkettjar. Għalkemm jidher b’mod ċar li hemm bżonn ta' koordinazzjoni fil-livell Ewropew, it-tfassil u l-applikazzjoni għandhom jitħallew f’idejn il-livell reġjonali u/jew nazzjonali billi mill-esperjenza nafu li l-kampanji ta' informazzjoni ċentralizzati fl-UE ftit li xejn ikollhom impatt fl-Istati Membri.
3.20 Bil-proposta ppreżentata hawn fuq ma jinħoloq l-ebda kunflitt mas-sistema eżistenti tal-agrikoltura organika fl-UE, li tkopri ħafna mill-aspetti tal-benessri tal-annimali. Wieħed jista’ jassumi li l-benessri tal-annimali fil-produzzjoni organika ser jiġi kkunsidrat b’mod adatt billi jiġu applikati bil-mod il-mod in-normi, meta dawn ikunu disponibbli, u b’hekk ser ikun parti mill-monitoraġġ tal-prodotti organiċi mingħajr spejjeż amministrattivi addizzjonali. Il-konsumaturi jassoċjaw l-agrikoltura organika ma' normi tal-benessri tal-annimali aktar stretti, u wieħed jista’ jassumi li huma jafu bil-prodotti organiċi li għandhom il-logo tal-UE.
3.21 Bażikament, is-sistema proposta ta' tikkettjar tal-benessri tal-annimali għandha tikkomplementa wkoll is-sistema ta' tikkettjar tal-kwalità tal-UE, li tuża termini riżervati għall-bajd, kif ukoll ir-regoli dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-ispeċjalitajiet tradizzjonali. Dawn is-sistemi jirreferu għas-sistema tal-produzzjoni u l-oriġini, iżda mhux għall-benessri tal-annimali, għalkemm sa ċertu punt dan l-aspett huwa inkluż fihom. Madankollu, billi l-konsumaturi huma familjari magħhom, għandhom jinżammu. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi evitat li jkun hemm aktar rekwiżiti obbligatorji jew volontarji għall-użu ta' “termini riżervati” fuq il-bażi tas-sistemi tal-produzzjoni, billi l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-produzzjoni mhumiex adatti għar-regolamentazzjoni permezz tal-proċeduri leġislattivi kumplikati tal-UE – kif ħareġ fid-dieher, pereżempju, fl-istabbiliment ta' standards minimi.
3.22 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli tinkludi proposta dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-iskemi privati u nazzjonali taċ-ċertifikazzjoni tal-ikel (13). Il-linji gwida proposti għandhom, minn naħa, jipproteġu lill-konsumaturi mill-informazzjoni qarrieqa u, minn naħa oħra, iħallu lis-suq jirreaġixxi għall-interessi tal-konsumaturi fil-benessri tal-annimali. Fl-istess ħin, permezz tagħhom iċ-ċertifikazzjoni ser tiġi introdotta bħala element essenzjali fil-politika tal-ikel tal-UE.
3.23 Is-sistema proposta hija newtrali fir-rigward ta' kwistjonijiet reliġjużi partikolari, billi t-tikkettjar jiggarantixxi biss il-konformità mar-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali li jaqbżu f’livell speċifiku r-rekwiżiti minimi tal-UE.
3.24 In-Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali għandu jaqdi rwol ċentrali fl-iżgurar tal-benessri tal-vertebrati li jintużaw għal finijiet ekonomiċi. Fost dawn l-annimali hemm il-ħut u l-annimali bil-pil, li għandhom jiġu ttrattati bħall-annimali tal-produzzjoni l-oħra. Dan japplika wkoll għal-laboratorji, filwaqt li ċ-Ċentru Ewropew għall-Validazzjoni ta' Metodi Alternattivi (ECVAM) għandu jevalwa alternattivi flok l-użu tal-annimali għal finijiet xjentifiċi.
Brussell, 26 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) L-opinjoni esploratorja tal-KESE dwar “Il-benesseri tal-annimali – It-tikkettar” tal-15.3.2007 tħejjiet fuq talba tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill (ĠU C 161, 13.7.2007, p. 54).
(2) Welfare Qaulity® kien proġett ta' riċerka finanzjat mill-Unjoni Ewropea li wettqu madwar 250 riċerkatur minn 39 istitut u università fi 13-il pajjiż Ewropew u pajjiżi terzi interessati bejn l-2004 u l-2009. Bl-użu ta' bażi xjentifika, f’dan il-proġett ġew żviluppati normi tal-benessri tal-annimali u strateġiji prattiċi biex il-benessri tal-annimali jiġi inkluż fil-katina tal-produzzjoni agrikola u fil-fażijiet suċċessivi tal-katina tal-produzzjoni u tal-kummerċ, inkluża l-informazzjoni rilevanti għall-konsumatur.
(3) COM(2006) 13 tat-23 ta' Jannar 2006.
(4) Il-konferenza “Il-Benessri tal-Annimali – It-Titjib permezz tal-Ittikkettjar” ġiet organizzata fit-28.3.2007 mill-KESE, il-Kummissjoni u l-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill; il-Kunsill enfasizza li għandu jittieħed kont tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fl-opinjoni esploratorja tiegħu dwar “Benesseri tal-Annimali – Tikkettar”, adottata fil-15 ta' Marzu 2007 (Konklużjonijiet; l-2797 laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd, Brussell, 7 ta' Mejju 2007).
(5) Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-Komunità għall-protezzjoni u l-benessri tal-annimali 2006-2010, ĠU C 324, 30.12.2006, p. 18 (mhux disponibbli bil-Malti).
(6) Skont l-Artikolu 13, “l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa tal-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali bħala esseri sensibbli, waqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet leġislattivi jew amministrattivi u d-drawwiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu partikolarment mar-riti reliġjużi, tradizzjonijiet kulturali u l-wirt reġjonali.” Din id-dispożizzjoni vinkolanti tissostitwixxi il-“gentlemen’s agreement” li kien japplika qabel fil-forma ta' Protokoll u tiggarantixxi, pereżempju, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ikollha r-responsabbiltà tieħu deċiżjoni fit-tilwim.
(7) Għal sistema bħal din wieħed jista’ wkoll jipprova jikseb l-akkreditazzjoni fil-qafas tal-istandard ISO 65; rekwiżiti ġenerali għall-organizzazzjonijiet li joffru ċ-ċertifikazzjoni tal-prodotti.
(8) B’konformità mal-proġett “Welfare Quality”, il-valutazzjoni għandha tqis l-ewwel u qabel kollox l-imġiba tal-annimali (“welfare outcomes”) u mhux is-sistemi tal-produzzjoni (“input and resources”). Għalhekk, is-sistemi tal-produzzjoni għandhom jiġu evalwati fuq il-bażi tal-imġiba tal-annimali. L-indikaturi għandhom jinkludu d-data essenzjali kollha għall-ispeċi ta' annimal ikkonċernata, jiġifieri rigward it-trobbija, il-kundizzjonijiet tal-ispajzu u l-akkodomazzjoni, il-possibbiltà ta' mġiba naturali, is-superviżjoni ta' kuljum, l-aspetti tal-mard u tas-saħħa, il-ftim, l-interventi kirurġiċi, it-trasport lejn il-biċċerija, l-isturdament u l-qtil. Is-sistema toffri wkoll inċentivi oħra għall-innovazzjoni volontarja u t-titjib individwali.
(9) Qed jiġi propost li tintuża l-kelma “normi” sabiex tiġi evitata l-konfużjoni ma' “standards”, li jiġu żviluppati bi proċeduri speċifiċi mill-korpi Ewropej tal-istandardizzazzjoni.
(10) Dan jista’ jkun jirrifletti l-klassifika fi tliet livelli tal-proġett “Welfare Quality”: eċċellenti (l-ogħla livell), avvanzat (benessri tajjeb tal-annimali) u ’l fuq mir-rekwiżiti minimi.
(11) Isititut, organizzazzjoni jew korp speċjalizzat taċ-ċertifikazzjoni li jaħdem skont l-istandards Ewropej u internazzjonali rilevanti EN – ISO – 17000 jew li jkun akkreditat bħala korp taċ-ċertifikazzjoni skont EN – ISO – 45011.
(12) Il-Kummissjoni tuża l-frażi “Netwerk Ewropew ta' Ċentri ta' Referenza” (ENRC), għalkemm fil-fatt dan huwa netwerk ta' istituti ta' riċerka. Bħall-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-annimali tal-produzzjoni, dan iċ-ċentru ser jiġi koordinat minn ċentru ta' referenza wieħed jew aktar (eventwalment wieħed għal kull speċi), li fuq il-bażi ta' indikaturi jipproponu normi tal-benessri tal-annimali biex jiġu adottati minn organizzazzjoni indipendenti. Għalkemm huwa propost li jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati, l-ogranizzazzjoni ta' dan il-korp ma tiġix diskussa f’aktar dettall.
(13) COM(2009) 234 tat-28 ta' Mejju 2009.
|
21.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/49 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-investiment fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju”
COM(2009) 519 finali
2011/C 21/09
Relatur ġenerali: is-Sur Gerd WOLF
Nhar is-7 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-investiment fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju
COM(2009) 519 finali.
Nhar it-3 ta’ Novembru 2009 l-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikolu 59 tar-RP), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-463 Sessjoni Plenara tiegħu tas-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 (seduta tas-27 ta’ Mejju 2010) li jaħtar lis-Sur Gerd Wolf bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’168 vot favur u 3 astensjonijiet.
1. Sommarju u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-Pjan SET ippreżentat mill-Kummissjoni jindirizza l-iktar miżuri importanti li permezz tagħhom għandhom jinżammu l-objettivi kruċjali u inseparabbli tat-tibdil fil-klima u l-provvista sikura tal-enerġija, kif ukoll il-kompetittività internazzjonali tal-Ewropa. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-investimenti u l-miżuri proposti.
1.2 Fil-fatt, huwa biss permezz ta’ sforzi eċċezzjonali u konġunti li ser inkunu nistgħu nagħtu direzzjoni u nittrasformaw is-sistema tal-enerġija globali tagħna – il-produzzjoni, il-konverżjoni u l-konsum.
1.3 Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu żviluppati tekniki u metodi biex tinkiseb enerġija b’livell baxx ta’ karbonju, li jkunu kompatibbli mat-tekniki attwali, inkluż fil-livell internazzjonali.
1.4 Madankollu l-Kumitat jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-investiment finanzjarju li għandu jsir mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-ekonomija privata għadu sottovalutat ħafna. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda b’urġenza li jiġi żviluppat kunċett finanzjarju adatt li jiġi implimentat mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-ekonomija u li jiġi integrat fil-baġit futur tal-UE. Sadattant għandhom jiġu pprovduti possibbiltajiet finanzjarji oħra. B’mod speċjali, id-dħul kollu tal-Istati Membri mill-kwoti tal-emissjonijiet tas-CO2 għandhom jintużaw għal dan il-għan. L-istess jgħodd għad-dħul minn taxxa potenzjali futura fuq is-CO2.
1.5 Fil-kuntest tal-importanza tal-problema tal-enerġija u tal-klima u tal-fatt li l-kompetizzjoni tiddependi minnhom, il-Kumitat jemmen li ma jagħmilx sens li jkun hemm taxxa għall-protezzjoni tal-klima fuq is-settur tal-enerġija, biex imbagħad din tintuża għal skopijiet oħra.
1.6 L-investimenti fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju joffru opportunitajiet għall-innovazzjoni, id-dinamika ekonomika, it-tkabbir sostenibbli u x-xogħol. Iktar u iktar, billi l-enerġija disponibbli u bi prezz raġonevoli hija l-essenza tal-ekonomija u l-istil ta’ għajxien tagħna. Il-profittabbiltà tal-enerġija hija fattur kruċjali għall-kompetittività tal-Ewropa fil-kuntest globali. Minħabba f’hekk, għandna bżonn ta’ forom ta’ produzzjoni u ta’ konsum tal-enerġija li jkunu sostenibbli.
1.7 F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza l-importanza partikolari tal-enerġija elettrika. Madankollu jirrakkomanda li l-konsum tal-enerġija barra mis-settur tal-elettriku jingħata iktar attenzjoni u li ssir iktar riċerka innovattiva, billi l-biċċa l-kbira tal-konsum tal-enerġija fossili ssir f’dan l-ambitu.
1.8 Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-kompitu tagħha ta’ koordinazzjoni sewwa, għandhom jinħolqu strutturi adegwati tal-programmi ta’ riċerka u żvilupp, bil-kooperazzjoni tal-atturi involuti. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni teħtieġ esperti b’esperjenza, rikonuxxuti fil-livell dinji u lesti li jieħdu impenn, li huma involuti wkoll teknikament u li jieħdu s-suċċess tal-programm li jikkoordinaw b’serjetà kbira.
2. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (issemplifikata ħafna u mqassra)
2.1 Il-Pjan SET huwa l-pilastru teknoloġiku tal-politika tal-enerġija u tal-klima tal-UE.
2.2 Element essenzjali tal-Pjan-SET huma l-“Pjanijiet Direzzjonali tal-UE” għall-perijodu 2010–2020, li jitolbu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi ta’ dijossidu tal-karbonju fl-atmosfera (“teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju”). Dawn huma ppreżentati, flimkien ma’ pjan ta’ finanzjament u tqassim bejn l-industrija u s-settur pubbliku, f’dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni (1).
2.3 Fost affarijiet oħra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinkludi:
|
2.3.1 |
Inizjattivi industijali Ewropej, pereżempju:
|
|
2.3.2 |
L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija – l-inizjattiva “Bliet Intelliġenti” (“Smart Cities”). |
|
2.3.3 |
L-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA). Din tikkonċerna programmi konġunti ta’ stabbilimenti tar-riċerka u universitajiet. |
|
2.3.4 |
Objettivi oħra jinkludu:
|
|
2.3.5 |
L-investimenti fl-UE meħtieġa għall-Pjan SET għandhom jogħlew mill-ammont attwali ta’ EUR 3 biljun għal madwar EUR 8 biljun fis-sena. |
|
2.3.6 |
Is-sistema Ewropea l-ġdida tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għandha tippermetti li mill-inqas 50 % tad-dħul mill-irkanti jerġgħu jiġu investiti fil-livell nazzjonali f’miżuri għall-protezzjoni tal-klima. Parti minnhom għandha tiġi allokata għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent. |
|
2.3.7 |
L-interess u l-effett ta’ lieva għall-finanzjament pubbliku għandhom jiġu massimizzati permezz ta’ firxa ta’ għodda finanzjarji. |
2.4 Il-Kummissjoni għalhekk tappella lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew biex:
|
— |
jappoġġjaw il-pjanijiet teknoloġiċi għall-2010–2020; |
|
— |
jiftiehmu li jiffukaw fuq programmi Komunitarji eżistenti biex jappoġġjaw l-inizjattivi tal-Pjan SET; |
|
— |
iħeġġu lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jappoġġjaw il-finanzjament ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju; |
|
— |
jappoġġjaw l-iżvilupp ippjanat tal-għodda finanzjarji bħala kontribut għall-finanzjament tal-Pjan-SET; |
|
— |
japprovaw l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-BEI f’dan ir-rigward; |
|
— |
jiftiehmu biex jiżviluppaw inizjattivi internazzjonali attwali jew ġodda orjentati lejn it-teknoloġija. |
3. Kummenti ġenerali tal-Kumitat
3.1 Il-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-Klima. Il-Kumitat jagħraf l-isforzi tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex il-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-Klima jkollha riżultat pożittiv. Jara l-fatt li ssemma l-limitu taż-2 °C bħala tentattiv ġenwin favur il-protezzjoni tal-klima. Għalhekk iktar u iktar jinsab iddispjaċut li, lilhinn minn dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, ma ntlaħaq l-ebda ftehim vinkolanti għall-partijiet involuti.
3.1.1 Il-gravità tal-problema hija sottovalutata. Minkejja ż-żieda dejjem tikber fil-popolazzjoni dinjija, bi bżonnijiet kbar ta’ enerġija (2) u neċessità enormi ta’ rkupru , ir-riżervi limitati tal-karburanti fossili (3) u ż-żieda fid-dipendenza tal-Ewropa mill-importazzjonijiet, il-gravità tal-problema tal-enerġija u tal-klima, u l-investimenti meħtieġa għal dan, spiss għadhom qed jiġu sottovalutati ħafna mill-politiċi u l-entitajiet involuti. Dan jista’ jkun ġej mill-fatt li l-konsegwenzi ta’ din il-problema ser jinħassu fil-ġejjieni kif ukoll minħabba l-inċertezzi tal-mudelli klimatiċi, il-prijorità mogħtija lill-interessi ekonomiċi, il-biża’ ta’ telf fil-kwalità tal-ħajja, eżitazzjoni fir-rigward tal-investiment meħtieġ jew għax ir-reġjuni milquta ma jqisux il-bidla fil-klima bħala avveniment tant drammatiku.
3.1.2 It-tħaris tar-riżorsi. L-iżvilupp ta’ tekniki tal-enerġija kompetittivi b’livell baxx ta’ karbonju (4) jgħin biex ir-riżorsi fossili limitati jintużaw iktar bil-mod u biex jiġi influwenzat l-istabbiliment tal-prezz tagħhom sabiex b’hekk titħeġġeġ is-sostenibbiltà. Għax huwa biss b’dan il-mod li jista’ jiġi estiż it-tul tad-disponibbiltà tal-enerġiji fossili sabiex inkunu nistgħu nħejju ruħna aħjar għall-perijodu ta’ wara. Min ma jiħux azzjoni issa jkollu jieħu miżuri ferm iktar stretti ’l quddiem.
3.1.3 Konsegwenza: teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju. Għaldaqstant huwa iktar u iktar importanti li jkun hemm enfasi kbira u użu msaħħaħ tat-tekniki u l-metodi l-ġodda għall-produzzjoni jew il-konsum tal-enerġija b’użu baxx ta’ karbonju, jew żvilupp ta’ dawk li diġà jeżistu, sabiex dawn ikunu kompetittivi mat-tekniki użati fix-xena internazzjonali. Fil-livell globali għandu jiġi kkunsidrat li t-teknoloġiji għall-użu tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju jistgħu biss jiġu implimentati fuq skala wiesgħa meta dan ikun finanzjarjament attraenti għall-partijiet involuti.
3.1.4 L-għażla ta’ tnaqqis ta’ 30 %. L-urġenza tas-sitwazzjoni tkompli tiżdied jekk tiġi adottata l-għażla li jappoġġja l-Kumitat ta’ tnaqqis ta’ 30 % tas- СО2 (5) (jiġifieri jekk il-kundizzjonijiet internazzjonali korrispondenti jiġu ssodisfati).
3.1.5 Żieda addizzjonali fil-konsum possibbli. Ix-xenarju ta’ referenza tal-IEA (6) jipprevedi konsum dejjem jikber tal-enerġija, inkluż tas-sorsi fossili, b’mod speċjali tal-faħam. Għalhekk, dejjem skont l-IEA, din it-tendenza tista’ biss tingħeleb bi sforzi kbar (7) li jippermettu li l-użu tar-riżorsi fossili jilħaq il-quċċata fl-2020 u wara jerġa’ jonqos u jiġi dejjem iktar sostitwit minn teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju.
3.2 Riċerka u Żvilupp – il-Pjan SET. Għalhekk ir-riċerka u l-iżvilupp huma ta’ importanza kapitali. Il-Pjan SET ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jagħti kontribut konsiderevoli għal dan. Huwa jinkludi wkoll il-parti ta’ finanzjament prevista għal dan il-għan mill-baġit tal-UE.
3.2.1 Riċerka u Żvilupp – sforzi u kompetizzjoni internazzjonali. Minkejja d-diżappunt tal-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-Klima, jidher li l-pajjiżi bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina, li ma kinux favur impenji vinkolanti, xorta waħda qegħdin jinvestu bil-kbir fir-riċerka u l-iżvilupp marbutin mal-objettivi msemmija fil-punt 3.1.2. Fl-istess ħin, dan juri li l-Ewropa tista’ biss iżżomm pożizzjoni mexxejja f’dan il-qasam jekk tinvesti iktar fir-riċerka u l-iżvilupp.
3.2.2 Programm ta’ investiment għall-innovazzjoni, id-dinamiżmu u l-impjiegi. L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp joffri opportunitajiet eċċellenti għall-innovazzjoni, id-dinamiżmu ekonomiku, it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi. Iktar u iktar, billi l-enerġija disponibbli u bi prezz raġonevoli hija l-essenza tal-ekonomija u l-istil ta’ għajxien tagħna. Mingħajr provvista suffiċjenti tal-enerġija b’kundizzjonijiet ekonomiċi tajbin, hemm il-possibbiltà li l-ekonomija, is-sigurtà soċjali u s-soċjetà tagħna b’mod ġenerali jikkrollaw. Minħabba f’hekk, għandna bżonn ta’ forom ta’ produzzjoni tal-enerġija sostenibbli.
3.3 Qbil. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni u l-miżuri proposti fil-komunikazzjoni tagħha bħala pass importanti u deċiżiv. Jappella lill-Kunsill, lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, iżda wkoll lill-industrija u lill-imsieħba soċjali, sabiex jagħmlu kulma jistgħu biex jindirizzaw bis-sħiħ l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju u jħejju r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp.
3.3.1 Dubju dwar l-ambitu ta’ applikazzjoni u l-prijoritajiet. Il-Kumitat ma jaħsibx li huwa r-rwol tiegħu li, fil-qafas ta’ din l-Opinjoni, jivverifika fid-dettall jekk il-qafas finanzjarju li jinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni (8) u l-mod kif inhu mqassam humiex adatti. Għalhekk jirrakkomanda li jerġa’ jiġi analizzat jekk il-prijoritajiet tal-proġetti ffinanzjati humiex tajbin u jekk l-ispiża totali taqbilx ma’ dak li kien previst. Wara perijodu ta’ tħejjija għandu jiġi żgurat li l-miżuri huma effikaċi u jekk hemm bżonn il-pjan ta’ finanzjament għandu jiġi rivedut u estiż konsegwentement.
3.3.2 Il-problema tal-finanzjament. Il-Kumitat jenfasizza l-fatt li fl-għexieren ta’ snin li ġejjin ser ikun biss possibbli li norjentaw is-sistema globali tal-enerġija tagħna – produzzjoni, trasformazzjoni, konsum – lejn l-għanijiet relatati mal-protezzjoni tal-klima, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u s-sostenibbiltà jekk nagħmlu sforzi eċċezzjonali, u li l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp meħtieġ għal dan il-għan huwa ferm sottovalutat. Fid-dawl tal-investimenti korrispondenti tal-Istati Uniti fir-riċerka u l-iżvilupp, il-Kumitat jiddubita li l-investimenti ppjanati ser ikunu biżżejjed biex l-iżviluppi estensivi meħtieġa jiġu implimentati b’mod wiesa’ u bl-enfasi neċessarja u biex tinkiseb pożizzjoni mexxejja fis-suq.
3.3.3 Kunċett finanzjarju komprensiv. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda b’urġenza li jiġi żviluppat kunċett finanzjarju adatt li jiġi implimentat mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-ekonomija u li jiġi integrat fil-baġit futur tal-UE.
3.3.4 Sorsi finanzjarji addizzjonali jinkludu l-prezz tal-konsum tal-enerġija. B’żieda ma’ dan, għandhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-possibbiltajiet ta’ finanzjament, kemm fil-livell tal-Komunità kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Il-Kumitat japprezza l-fatt li l-BEI huwa wkoll lest li jikkontribwixxi. L-ispejjeż tal-konsum individwali attwali tal-enerġija għandhom iservu ta’ mudell għall-investiment meħtieġ: persentaġġ sinifikanti ta’ dan għandu jservi għall-provvista futura! F’dan il-kuntest il-Kumitat jirreferi għall-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta’ azzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (9).
3.3.4.1 Dħul mill-kummerċ tal-emissjonijiet tal-karbonju u minn taxxa potenzjali fuq is-CO2. Id-dħul (10) mill-kummerċ tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-Istati Membri għandu jintuża kollu kemm hu u esklużivament (11) għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġiji b’livell baxx ta’ karbonju. Il-Kumitat jemmen li fid-dawl tal-problema wiesgħa tal-klima u tal-enerġija ma jagħmilx sens li dan id-dħul jintuża għal attivitajiet finanzjarji oħra bi skop ieħor. Din ir-rakkomandazzjoni tgħodd ukoll għad-dħul minn taxxa potenzjali futura fuq is-CO2. Il-Kumitat jappella lill-Istati Membri sabiex ma jiskartawx din ir-rakkomandazzjoni.
3.3.4.2 L-ebda trasferimenti finanzjarji. Għall-Kumitat ma jagħmilx sens li, fil-kuntest tal-importanza tal-problema tal-enerġija u tal-klima u tad-dipendenza tal-kompetizzjoni minn dan, tinżamm taxxa għall-protezzjoni tal-klima fuq is-settur tal-enerġija, biex imbagħad din tintuża għal skopijiet oħra.
3.3.4.3 Kwoti tar-riżerva. Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li t-300 miljun kwota tal-UE merfugħa mir-Riżerva għall-Entrati l-Ġodda tal-Iskema ta’ Skambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) jintużaw għall-appoġġ tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju u ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli innovattivi. Dawn il-kwoti ser jiġu mill-Istati Membri għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni magħżula abbażi tal-kriterji ddefiniti fil-livell Komunitarju (12).
3.3.5 Il-ħolqien ta’ ambjent attraenti għall-innovazzjoni. Il-Kumitat jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar il-politika Komunitarja tal-innovazzjoni (13), li r-rakkomandazzjonijiet tagħha jikkonċernaw fuq kollox l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli tal-ġejjieni.
3.3.6 Differenza bejn l-iżvilupp u l-applikazzjoni. Il-Kumitat jirrakkomanda li ssir distinzjoni iktar ċara bejn l-iżvilupp meħtieġ ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju eżistenti jew teknoloġiji ġodda bi prezz raġonevoli u l-applikazzjoni wiesgħa tagħhom, inkluż id-dħul fis-suq.
3.4 Kapaċità ta’ previżjoni limitata. S’issa l-kapaċità ta’ previżjoni tal-iżviluppi fuq perijodu twil fil-qasam tal-politika tal-enerġija u tal-klima u l-konsegwenzi tagħhom kienet limitata. Għalhekk illum ma tistax tittieħed deċiżjoni restrittiva fir-rigward tat-teknoloġiji meħtieġa fl-2050. Għandhom jiġu studjati l-possibbiltajiet kollha li għandhom potenzjal, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu bl-iktar mod effikaċi possibbli l-objettivi kollha għall-2050 fl-oqsma tal-provvista tal-enerġija, il-kompetittività u l-ħarsien tal-klima. Is-sena 2020 ser tkun punt ta’ referenza, biex naraw l-objettiv ikunx intlaħaq.
3.4.1 Ambitu tematiku tal-iżvilupp. Għalhekk il-Kumitat jilqa’ l-ambitu tematiku propost mill-Kummissjoni fir-rigward tat-teknoloġiji u l-miżuri li għandhom jiġu żviluppati sal-istadju tal-applikazzjoni, bil-għan li jinħolqu l-kondizzjonijiet adatti biex jittieħed approċċ flessibbli fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom li jkun ibbażat fuq l-esperjenza u li jiġu evitati d-deċiżjonijiet prematuri.
3.4.2 Ir-riċerka bażika. Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ssemmi wkoll l-importanza u l-bżonn li tkompli ssir ir-riċerka bażika. B’hekk biss tista’ tinkiseb il-bażi għal għarfien ġdid u l-kunċetti li joħorġu minnu.
3.4.3 Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija. Bl-istess mod, il-Kumitat jilqa’ l-proposta għal Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija fejn il-Kummissjoni għandha tuża l-istrument tal-koordinazzjoni miftuħa u b’mod speċjali l-kofinanzjament mill-organizzazzjonijiet ta’ finanzjament fl-Istati Membri jew l-industrija skont ir-regoli ta’ parteċipazzjoni.
3.4.4 Effett ta’ lieva tal-Pjan SET. Konsegwentement, waqt ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju previst, għandu jiġi żgurat li r-riżorsi Komunitarji disponibbli taħt il-Pjan SET ikunu għoljin biżżejjed biex ikollhom l-effett ta’ lieva meħtieġ fuq il-parteċipazzjoni neċessarja tal-Istati Membri u tal-industrija.
3.5 Definizzjoni tal-prijoritajiet fir-rigward tal-applikazzjoni. Fl-applikazzjoni tat-teknoloġiji u s-sistemi żviluppati, ikun tajjeb li tingħata attenzjoni ikbar lill-prinċipji li huma importanti daqs l-objettiv tal-protezzjoni tal-klima, bħas-sigurtà tal-provvista u l-profittabbiltà (pereżempju l-ispejjeż tat-tnaqqis tal-prevenzjoni tas-CO2), billi jiġu kkunsidrati aspetti reġjonali u globali (opportunitajiet li joffru l-enerġija solari, dik mir-riħ jew mill-ilma, id-distanzi, l-interessi tal-fornituri ta’ materja prima, eċċ.). B’konsegwenza ta’ dan, l-għodda tal-appoġġ inizjali tas-suq m’għandhomx jimponu teknoloġiji speċifiċi fuq l-oħrajn jew jagħtuhom vantaġġ permezz ta’ finanzjament speċifiku.
3.6 L-importanza tas-settur tal-elettriku. Il-biċċa l-kbira tat-teknoloġiji u l-miżuri proposti jikkonċernaw is-sistemi ta’ provvista jew l-użu tal-enerġija elettrika. Għalkemm is-settur tal-elettriku bħalissa jkopri biss madwar 19 % (14) tas-suq Ewropew tal-enerġija, il-Kumitat jemmen li konċentrazzjoni tal-miżuri ta’ riċerka u żvilupp proposti fuq l-enerġija elettrika hija ġġustifikata, billi din għandha rwol inevitabbli u kruċjali fl-oqsma kollha tal-ħajja ta’ kuljum, fit-teknika u l-ekonomija. Ix-xewqa li t-trasport fuq l-art kollu jaħdem bl-elettriku kemm jista’ jkun (il-karozza elettrika, il-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija) u – flimkien mal-koġenerazzjoni tas-sħana u l-elettriku – li jintużaw iktar it-teknoloġiji elettriċi ta’ appoġġ (pompi, kompressuri) għat-tisħin tal-bini bis-saħħa tal-pompi tas-sħana u tal-enerġija ġeotermali, ser tkompli tkabbar ir-rwol tal-elettriku.
3.6.1 Ir-rwol kruċjali tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Il-Kumitat itenni li fost it-teknoloġiji b’livell baxx ta’ CO2 li għandhom jiġu żviluppati, l-enerġiji rinnovabbli għandhom rwol kruċjali. Il-Kumitat jinnota b’sodisfazzjon li s-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fil-produzzjoni tal-elettriku f’dawn l-aħħar snin żdied b’iktar milli kien mistenni bis-saħħa tal-espansjoni enormi tal-enerġija mir-riħ.
3.6.2 Netwerks Ewropej tal-elettriku. Għalhekk il-Kumitat jappoġġja l-iżvilupp tan-netwerks tal-elettriku fl-Ewropa u dak tat-teknoloġiji meħtieġa (pereżempju l-“ismart grids”), sabiex il-fluttwazzjonijiet fl-offerta fi ħdan l-Ewropa jkunu jistgħu jiġu kkumpensati aħjar u jekk jista’ jkun tiġi ttrasportata lejn l-Ewropa l-enerġija elettrika mill-istabbilimenti solari fl-Afrika.
3.6.3 Teknoloġiji ta’ ħżin, fornituri ta’ karga massima u impjanti tal-elettriku ta’ riżerva. Madankollu, iż-żieda mixtieqa fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, li hija soġġetta għall-fluttwazzjonijiet tat-temp, tal-ħin u tal-istaġjun, mhux ser tkun biżżejjed biex ikun hemm provvista tal-elettriku sikura u bbażata fuq id-domanda. Għalhekk għandha tissaħħaħ ir-riċerka fil-qasam ta’ teknoloġiji innovattivi tal-ħżin li huma fissi (pereżempju l-arja kompressata, l-idroġenu). Huwa daqstant importanti li jiġu żviluppati kapaċitajiet ta’ karga massima li jkunu effiċjenti ħafna u li fl-istess ħin ikollhom prezz raġonevoli. Filwaqt li sa ftit ilu l-kapaċità ta’ karga massima kienet użata esklużivament biex tikkomplementa l-provvista bażika u tindirizza l-fluttwazzjonijiet fid-domanda, b’mod speċjali l-perijodi ta’ domanda u konsum għoljin ħafna, issa din qiegħda sservi biex tikkompensa l-fluttwazzjonijiet fl-offerta tal-biċċa l-kbira tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ impjanti tal-elettriku ta’ riżerva. Minħabba f’hekk l-iżvilupp u d-disponibbiltà tagħhom huma ta’ importanza kapitali.
3.6.4 Soluzzjonijiet sistemiċi. Minħabba din il-konnessjoni sistemika bejn it-teknoloġiji differenti tal-enerġija, għandha tingħata attenzjoni addizzjonali lir-riċerka fuq il-problemi sistemiċi u l-kwistjoni relatata tas-sigurtà tal-provvista u t-tfassil ta’ soluzzjonijiet potenzjali.
3.6.5 Spejjeż addizzjonali. L-ispejjez addizzjonali tas-sistemi ta’ netwerk, regolazzjoni, ħżin u riżerva meħtieġa minħabba l-fluttwazzjoni tas-sorsi tal-enerġija għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni ekonomika globali wkoll, hekk kif talab il-Kumitat fl-ambitu tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, pereżempju fil-qasam tal-enerġija nukleari u l-forom l-oħra ta’ użu tal-enerġiji fossili (15).
3.6.6 Sistemi ta’ ħżin tal-enerġija għall-applikazzjoni mobbli. It-tisħiħ tar-riċerka bażika huwa ferm importanti sabiex – nittamaw – naslu għal densità ta’ ħżin, ammonti, tul ta’ ħajja u kapaċitajiet ogħla permezz ta’ approċċi ġodda. F’ċerti kundizzjonijiet, il-batteriji tal-karozzi elettriċi jistgħu jintużaw bħala sistema ta’ ħżin għall-fluttwazzjoni tas-sorsi tal-enerġija.
3.6.7 Fornituri tal-karga bażika. Madankollu l-fornituri tal-karga bażika għandhom rwol kruċjali x’jaqdu bħala mexxejja tal-ekonomija tal-elettriku. Għalhekk huwa essenzjali li:
|
— |
il-faħam jintuża b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, b’mod speċjali permezz ta’ livell ogħla ta’ effiċjenza u/jew tas-CCS (ġbir u ħżin tas- СО2); |
|
— |
l-enerġija nukleari (fissjoni) tkompli tittejjeb fl-oqsma kollha (sigurtà, ħżin, proliferazzjoni, użu tar-riżorsi, kapaċità ta’ riżerva); |
|
— |
jiġu żviluppati stabbilimenti tal-gass tal-ogħla livell ta’ effiċjenza; |
|
— |
tkompli tiġi żviluppata t-teknoloġija tal-fużjoni nukleari li hija promettenti fuq perijodu twil; |
|
— |
jsir sforz biex anke l-fornituri tal-karga bażika jiġu kemm jista’ jkun irregolati, sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati fis-sistema integrata ta’ regolazzjoni. |
3.7 L-essenza tal-użu tal-enerġija tinsab barra mis-settur. Madankollu l-ikbar użu tal-enerġija mill-utent finali jsir barra mis-settur tal-elettriku. Dan jgħodd għall-biċċa l-kbira tal-industrija (pereżempju l-kimika jew l-azzar), il-maġġoranza tas-settur tat-trasport u s-settur tat-tisħin tal-bini kollu kemm hu. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li dan l-aspett tal-problema jingħata iktar attenzjoni. Huwa partikolarment importanti li jiġu żviluppati opportunitajiet ta’ riċerka ġodda, li jmorru lil hinn mit-termini “effiċjenza fl-użu tal-enerġija”, “iffrankar tal-enerġija” u “elettrifikazzjoni”. Huwa biss meta jinstabu soluzzjonijiet adegwati għal dawn l-oqsma li jkunu jistgħu jintlaħqu tassew l-objettivi fir-rigward tal-klima.
3.7.1 Trasport bil-baħar u bl-ajru. Il-Kumitat jemmen li, anke fuq perijodu twil, it-trasport bil-baħar u bl-ajru mhux se jkun jista’ jaħdem mingħajr il-karburanti fossili u kimiċi (16). Essenzjalment, din hija pjuttost kwistjoni li tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li jiġu sseparati l-gassijiet tossiċi, li s-sorsi tal-enerġija kimika (pereżempju l-idroġenu u l-komponenti tiegħu) jintużaw għall-produzzjoni tal-elettriku jew l-enerġija solari, u li jekk huwa possibbli jiġi żviluppat l-użu tas-CCS (fit-trasport bil-baħar (17)).
3.7.2 Proċessi industrijali, kimika u azzar. Ser ikun diffiċli wkoll li l-karburanti fossili jiġu sostitwiti totalment fil-proċessi industrijali, b’mod speċjali fl-industrija tal-kimika u tal-azzar (18). Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda, permezz ta’ riċerka u żvilupp imsaħħa, li jinstabu soluzzjonijiet ġodda.
3.7.3 Il-bijoteknoloġija u l-bijomassa. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal konsiderevoli tal-iżviluppi innovattivi fil-bijoteknoloġija kif ukoll għar-rilevanza tagħhom għall-ekonomija tal-enerġija u l-objettivi miftuħa għad-diskussjoni f’dan ir-rigward. Madankollu l-użu ta’ riżorsi tal-bijomassa li fit-tul jistgħu jikkompetu mal-provvista tal-ikel jew tal-materja prima (hawn għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-gassijiet b’effett ta’ serra (19) marbutin mal-użu tal-fertilizzanti, bħall-NO2!) għandu jiġi llimitat għall-applikazzjonijiet fejn m’hemm l-ebda alternattiva oħra.
3.7.4 L-iżolazzjoni tal-bini. Aspett importanti ħafna huwa l-iffrankar tal-enerġija fis-settur tal-bini. F’dan is-settur għad hemm potenzjal ta’ żvilupp (u ta’ applikazzjoni) konsiderevoli biex jitnaqqas it-telf ta’ sħana mill-bini. Dan għandu jitqies iktar fl-għażla tal-prijoritajiet għall-miżuri tal-prevenzjoni tas- СО2.
4. Kummenti speċifiċi tal-Kumitat
4.1 Kompiti Komunitarji u sussidjarjetà. Il-Pjan SET jikkonċerna b’mod speċjali l-kompiti Komunitarji li huma neċessarji jew utli għall-iżvilupp tat-teknoloġiji msemmija. Għalhekk għandhom ikunu kompiti supranazzjonali jew kompiti fejn il-kooperazzjoni supranazzjonali taqdi rwol importanti u tirrappreżenta valur miżjud Ewropew.
4.2 Pjan ta’ finanzjament u prijoritajiet. Il-pjan ta’ finanzjament u l-prijoritajiet tiegħu għandhom jiġu vverifikati biex jiġi żgurat li jissodisfaw il-kriterji msemmija hawn fuq.
4.3 Għal darb’oħra: l-iżvilupp u l-applikazzjoni. Bl-istess mod il-pjan ta’ finanzjament għandu jiġi rivedut biex jiġi żgurat li jissodisfa l-iżvilupp ta’ teknoloġiji jew sistemi ġodda f’termini ta’ prijoritajiet. Sussidji għat-teknoloġiji tal-enerġija fl-applikazzjoni wiesgħa tagħhom permezz tal-pjan SET għandhom assolutament jiġu evitati.
4.4 Rabta ma’ programmi eżistenti. Il-Kumitat jirrakkomanda li r-riċerka u l-iżvilupp marbutin mal-klima proposti fil-Pjan SET jintrabtu f’netwerk mal-programmi u l-proġetti tas-seba’ Programm Qafas, pereżempju mal-“flagship projects” tal-programm FET. Dan jikkonċerna b’mod speċjali dawk l-oqsma tal-Pjan SET li huma mistennija jiksbu suċċess fuq perijodu medju fl-għaxar snin li ġejjin.
4.5 Kooperazzjoni internazzjonali. Sabiex jintlaħaq l-aqwa riżultat possibbli bir-riżorsi użati, il-Kumitat jirrakkomanda (20), b’mod partikolari għall-proġetti essenzjali l-kbar (ITER), li tinħoloq kooperazzjoni internazzjonali ma’ msieħba strateġiċi, mhux biss biex jinqasmu l-ispejjeż u l-persunal, iżda wkoll bil-għan li jinħolqu bażi ta’ għarfien u potenzjal ikbar ta’ innovazzjoni.
4.6 Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-kompitu tagħha ta’ koordinazzjoni sewwa, għandhom jinħolqu l-istrutturi tal-programmi ta’ riċerka u żvilupp, bil-kooperazzjoni tal-atturi involuti. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni teħtieġ, bħala uffiċjali importanti (uffiċjali TRANS E), esperti b’esperjenza, rikonoxxuti fil-livell dinji u lesti li jieħdu impenn, li huma wkoll involuti teknikament u li jieħdu s-suċċess tal-programm li jikkoordinaw b’serjetà kbira.
4.7 Fehim, involviment u aċċettazzjoni – informazzjoni u trasparenza. Kundizzjoni ewlenija għas-suċċess tal-miżuri kollha msemmija hawn fuq hija dik li ċ-ċittadini, b’mod speċjali dawk li huma potenzjalment milquta mill-miżuri ppjanati, jiġu infurmati bis-sħiħ u b’mod miftuħ u li, flimkien ma’ partijiet interessati mis-settur tal-politika, l-industrija u oqsma oħra, jiġu involuti fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni. L-aqwa mezz biex ikun hemm fehim u aċċettazzjoni huwa permezz ta’ informazzjoni sħiħa, involviment u trasparenza.
4.8 Opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa kemm-il darba indirizza dawn is-suġġetti f’Opinjonijiet oħra, li jidħlu f’iktar dettall dwar ċerti kwistjonijiet imsemmija fil-qosor f’dan id-dokument. Jirreferi b’mod speċjali għal:
|
— |
INT/146 “Il-bżonnijiet ta’ riċerka għal provvista tal-enerġija sikura u sostenibbli” (21) |
|
— |
TEN/299 “L-effiċjenza enerġetika tal-bini - il-kontribut tal-utenti” (22) |
|
— |
TEN/311 “L-impatt possibbli pożittiv jew negattiv taż-żjieda fir-rekwiżiti (politiki) ambjentali u tal-enerġija fuq il-kompetittività tal-industrija tal-UE” (23) |
|
— |
TEN/332 “Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET)” (24) |
|
— |
TEN/398 “Ekonomija Ekoeffikaċi/inwittu t-triq għal era ġdida fil-qasam tal-enerġija” (25) |
|
— |
TEN/340 “L-Appoġġ għal Turija minn Kmieni tal-Produzzjoni Sostenibbli tal-Enerġija mill-Fjuwils Fossili” (26) |
|
— |
TEN/404 “Impatt u konsegwenzi tal-politika Ewropea tal-enerġija fuq l-SMEs” (27) |
|
— |
NAT/391 “In-negozjati internazzjonali dwar il-bidla fil-klima” (28) |
|
— |
“No turning back” – Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima, Kopenħagen, 7–18 ta’ Diċembru 2009. |
Brussell, 27 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) SEC(2009) 1296 tas-7.10.2009
(2) Skont il-kalkoli tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA), il-konsum dinji tal-enerġija ser jiżdied b’50 % sal-2050.
(3) Il-previżjonijiet konservattivi jindikaw li nofs ir-riżorsi “fossili” jkunu spiċċaw sal-2050.
(4) Bl-eċċezzjoni tas-CCS.
(5) COM(2010) 2020 “Ewropa 2020”.
(6) International Energy Agency (IEA) – World Energy Outlook 2009 – Reference Scenario.
(7) IEA – World Energy Outlook 2009 – the 450 Scenario.
(8) SEC(2009) 1296, 7.10.2009.
(9) ĠU C 10, 15.1.2008, p. 22.
(10) Pereżempju d-dħul mill-irkanti fil-perijodu ta’ negozju 2013-2020.
(11) Filwaqt li l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tipproponi li 50 % tad-dħul biss jintuża, u dan esklużivament għar-riċerka u l-iżvilupp (punt 2.3.6).
(12) Dan jinkludi l-enerġija ġeotermika.
(13) INT/509, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(14) Eurostat – Rapport tall-2009.
(15) ĠU C 175, 28.7.2009, p. 1; ĠU C 120, 16.5.2008, p. 15.
(16) Ħlief f’applikazzjonijiet speċjali fil-qasam militari.
(17) Jekk il-propulsjoni nukleari mhijiex awtorizzata.
(18) Sakemm qed ikomplu jintużaw is-sorsi ta’ enerġija fossili, għandu jintuża s-CCS għall-ġid tal-atmosfera.
(19) Atmos. Chem. Phys. Discuss., 7, 11191–11205, 2007
(20) Opinjoni tal-KESE dwar “Qafas ta’ strateġija Ewropew għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika”, ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13.
(21) ĠU C 241, 7.10.2002, p. 13, mhux disponibbli bil-Malti.
(22) ĠU C 162, 25.6.2008, p. 62.
(23) ĠU C 162, 25.6.2008, p. 72.
(24) ĠU C 27, 3.2.2009, p. 53.
(25) Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(26) ĠU C 77, 31.3.2009, p. 49.
(27) Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.
(28) ĠU C 77, 31.3.2009, p. 73.
|
21.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/56 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana”
COM(2009) 490 finali
2011/C 21/10
Relatur: is-Sur HENCKS
Nhar it-30 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana”
COM(2009) 490 finali.
Nhar it-3 ta' Novembru 2009, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura, u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikolu 59(1) tar-Regoli ta' Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-463 Sessjoni Plenarja tiegħu li nżammet fis-26 u s-27 ta' Mejju 2010 (seduta tas-27 ta' Mejju 2010), li jaħtar lis-Sur Hencks bħala r-relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'175 vot favur, vot wieħed kontra u astensjoni waħda.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Iż-żoni urbani jikkostitwixxu l-ispazju fejn tgħix 60 % tal-popolazzjoni Ewropea. Prattikament iż-żoni kollha jiffaċċjaw l-istess problemi minħabba t-traffiku fit-toroq: konġestjoni, problemi ambjentali, tniġġis tal-arja u tal-ħsejjes, inċidenti tat-traffiku, problemi tas-saħħa, konġestjoni fil-katina tal-loġistika eċċ.
1.2 Għalhekk, il-KESE japprova għalkollox li l-Kummissjoni Ewropea, permezz ta' pjan dwar il-mobbiltà urbana, qed tipproponi lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali diversi għażliet biex fiż-żoni urbani tiġi offruta l-ogħla kwalità ta' ħajja kemm jista' jkun sostenibbli.
1.3 Il-KESE jinsab konvint li f'ċerti oqsma tal-mobbiltà urbana, azzjoni konġunta mill-Komunità tista' twassal għal valur miżjud ċar, u għaldaqstant, jitlob definizzjoni iktar ċara tal-oqsma ta' kompetenza u responsabbiltà tal-Unjoni, b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.
1.4 Madankollu, jikkonkludi li l-proposti tal-Kummissjoni f'dan il-pjan ta' azzjoni huma ġeneralment pass lura rigward ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KESE fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-mobbiltà urbana.
1.5 Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-miżuri li ressqet il-Kummissjoni mhuma xejn aktar ħlief pariri b'intenzjoni tajba – u ċertament jistħoqqilhom tifħir – iżda la huma vinkolanti u wisq inqas revoluzzjonarji.
1.6 Barra minn hekk, il-fatt li f'din il-Komunikazzjoni l-biċċa l-kbira ta' temi u proposti diġà dehru fil-Komunikazzjoni tal-1998 dwar l-iżvilupp tan-netwerk taċ-ċittadini, jagħti l-impressjoni li minn dak iż-żmien 'l hawn, is-sitwazzjoni bilkemm marret għall-aħjar. F'dan il-kuntest, il-KESE jiddispjaċih li m'hemmx rapport dwar l-inizjattivi previsti f'din il-komunikazzjoni.
1.7 Il-KESE kien jippreferi li kieku l-Pjan ta' Azzjoni, tal-anqas, ikun akkumpanjat minn objettivi kwantitattivi bbażati fuq sensiela ta' indikaturi li l-bliet u r-reġjuni periurbani għandhom jipprovaw jilħqu permezz ta' pjani ta' mobbiltà sostenibbli li jagħżlu huma.
1.8 Il-KESE jqis li huwa neċċessarju li dan il-pjan ta' azzjoni jiġi ffinalizzat bi pjan ieħor, li jidħol fid-dettall dwar, fost oħrajn, id-delinkwenza fit-trasport pubbliku, il-mobbiltà non-motorizzata u l-muturi.
1.9 Il-KESE jilqa' l-intenzjoni tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill li jinħoloq mekkaniżmu jew programm pan-Ewropew biex tiġi promossa l-aċċessibbiltà fil-bliet u l-muniċipalitajiet tal-Ewropa, b'mod partikolari għall-persuni b'inqas mobbiltà, u jesprimi x-xewqa tiegħu li jkun involut mill-qrib f'inizjattiva bħal din fid-dawl tar-rilevanza tagħha għas-soċjetà ċivili.
1.10 Il-KESE fl-aħħar nett jirrakkomanda li d-destinazzjoni tal-fondi strutturali u l-koeżjoni tal-Unjoni tkun immirata aħjar, speċjalment bil-ħolqien ta' strument finanzjarju speċifiku għall-promozzjoni tal-mobbiltà urbana. Huwa jipproponi li l-allokazzjoni tal-fondi tkun soġġetta għall-implimentazzjoni tal-pjani ta' mobbiltà urbana u r-rispett tal-kriterji tal-aċċessibbiltà għall-persuni b'inqas mobbiltà.
2. L-oriġini tal-Pjan ta' Azzjoni
2.1 Fit-30 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea adottat Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana li, għalkemm mhuwiex speċifikat espressament fit-titlu, għandu jkun sostenibbli.
2.2 Il-Kummissjoni ppubblikat dan il-Pjan ta' Azzjoni b'risposta għat-talba ta' bosta atturi, b'mod partikolari tal-Parlament Ewropew iżda wkoll tal-KESE li, fl-opinjoni esploratorja tiegħu dwar “It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani” (1) u f'opinjonijiet oħra (2), talab għal inizjattiva bħal din. Fil-fehma tal-KESE, pjan bħal dan għandu jkun akkumpanjat minn objettivi kwantitattivi għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bliet.
2.3 Fil-25 ta' Settemrbu 2007, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika permezz tal-Green Paper –“Lejn kultura ġdida għall-mobbiltà urbana”. Din il-konsultazzjoni kkonfermat b'mod wiesa' li l-Unjoni Ewropea għandha rwol importanti x'taqdi fil-promozzjoni ta' mobbiltà urbana sostenibbli.
2.4 Madankollu, il-pubblikazzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni (previst fil-ħidma leġislattiva tal-2008 tal-Kummissjoni Ewropea) tħabbret u mbagħad ġiet posposta bosta drabi minħabba oġġezzjonijiet minn xi wħud li kkunsidraw li kwalunkwe inizjattiva f'dan il-qasam min-naħa tal-Kummissjoni tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-amministrazzjoni ħielsa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.
2.5 Peress li, minħabba r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx tippubblika l-Pjan ta' Azzjoni tagħha qabel tmiem l-2008 kif previst, il-Parlament Ewropew, li ħaseb li tali inizjattiva ġiet minsija għalkollox, indirizza l-kwistjoni u vvota favur Riżoluzzjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana (3) biex jappoġġja lill-Kummissjoni, li ntalbet tittraduċi għadd ta' indikazzjonijiet li tressqu fil-Green Paper fi gwida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali.
3. Ir-rwol tal-Unjoni fil-kuntest tal-mobbiltà urbana
3.1 Għalkemm m'hemmx nuqqas ta' dikjarazzjonijiet politiċi ta' intenzjoni favur trasport urban sostenibbli, għad hemm bżonn li tiġi stabbilita rabta mill-qrib ma' soluzzjonijiet konkreti u l-korpi li huma l-aktar adatti biex jimplimentawhom.
3.2 L-iskemi ta' trasport urban jagħmlu parti mis-sistema ta' trasport Ewropew u huma bbażati fuq il-politika komuni tat-trasport. Il-Kunsill informali tal-Ministri tat-Trasport tal-Unjoni tas-16 ta' Frar 2010 saħaq fuq il-ħtieġa li jiġu introdotti pjani ta' mobbiltà urbana f'leġiżlazzjoni kkoordinata bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej bil-għan li tiġi promossa integrazzjoni aktar effettiva tal-infrastrutturi u tas-servizzi tat-trasport fl-istrateġiji territorjali, urbani u rurali.
3.3 Bosta direttivi, regolamenti, komunikazzjonijiet u programmi ta' azzjoni Ewropej s'issa diġà kellhom impatt qawwi fuq it-trasport urban, fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tas-saħħa, l-ambjent, l-enerġija sostenibbli, is-sigurtà fit-triq kif ukoll l-investiment fit-trasport pubbliku u l-użu tiegħu.
3.4 Bil-għan li tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni tillimita ruħha li tħeġġeġ lill-bliet biex jimplimentaw miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u jistabbilixxu skemi ta' trasport effiċjenti u sostenibbli abbażi ta' impenn kompletament volontarju.
3.5 F'dan ir-rigward, il-KESE jixtieq ifakkar li għalkemm il-bliet u r-reġjuni periurbani huma ferm differenti, xorta waħda jiffaċċjaw problemi komuni relatati mal-iżvilupp sostenibbli, problemi li ma jiqfux mal-fruntieri tal-bliet u li jistgħu jiġu solvuti biss permezz ta' approċċ koerenti u firxa ta' azzjonijiet fil-livell Ewropew bħal dispożizzjonijiet Komunitarji rigward il-kwalità tal-arja jew il-ġestjoni tal-istorbju fl-ambjent (4).
3.6 Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista' tintuża faċilment” (5) il-Kummissjoni tiddikjara li, fir-rigward tal-politika tat-trasport, “Madankollu, ir-riżultati mqabbla mal-għanijiet tal-SDS tal-UE kienu aktar limitati: kif indikat fir-rapport tal-progress tal-2007, is-sistema Ewropea tat-Trasport f'dak li għandu x'jaqsam ma' bosta aspetti għadha ma qabditx triq sostenibbli”.
3.7 F'opinjoni esploratorja reċenti dwar il-punti ta' tluq għall-politika Ewropea tat-trasport wara l-2010 (6), il-KESE stqarr li, għalkemm it-trasport jipprovdi aċċess għal ħafna libertajiet (il-libertà li ngħixu u naħdmu f'partijiet differenti tad-dinja, li ngawdu minn prodotti u servizzi differenti, li ninnegozjaw u nistabbilixxu kuntatti personali), waħda mill-missjonijiet fundamentali tal-politika hija li tistabbilixxi qafas għal dawn il-libertajiet u saħansitra timponi limiti, ladarba dawn jaffettwaw, u saħansitra jheddu, libertajiet jew bżonnijiet oħra: pereżempju s-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, il-klima kif ukoll il-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet tal-futur.
3.8 Għalkemm il-politiki tat-trasport urban implimentati minn xi bliet pijunieri fil-qasam tat-trasport sostenibbli jagħtu xhieda li dawk responsabbli li jieħdu d-deċiżjonijiet b'mod dedikat, jekk għandhom ir-rieda, jistgħu jbiddlu t-tendenzi ta' ħsara, il-bżonn ġenerali li jiġu llimitati globalment l-emmissjonijiet tas-CO2 joħroġ fid-dieher il-ħtieġa assoluta ta' impenn kollettiv Ewropew.
3.9 It-traffiku urban, u b'mod partikolari l-ivvjaġġar b'vetturi bil-mutur, huma responsabbli għal 40 % tal-emissjonijiet tas-CO2 u 70 % tal-emissjonijiet ta' sustanzi oħra li jniġġsu u li jiġu mit-trasport bit-triq. L-Unjoni tista' biss tikseb l-objettivi tagħha għat-tibdil fil-klima jekk temenda l-politiki tat-trasport urban tagħha. L-isfidi ma jistgħux jingħelbu b'mod sostenibbli permezz ta' azzjonijiet iżolati – irrispettivament mill-mertu u n-natura indispensabbli tagħhom – li jiġu adottati biss fil-livell lokali jew reġjonali.
3.10 Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġu mobilizzati r-riżorsi Ewropej kollha biex jiġu appoġġjati l-azzjonijiet fil-livell lokali u reġjonali bil-għan li jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija globali tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għaż-żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, għall-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli u għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali.
4. Il-kontenut tal-Pjan ta' Azzjoni
4.1 Il-Pjan ta' Azzjoni propost mill-Kummissjoni jikkonċerna t-trasport tal-persuni kif ukoll tal-merkanzija fiż-żoni urbani u periurbani u jibbaża ħafna fuq ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika li tnediet fil-25 ta' Settembru 2007.
4.2 L-għan tal-Pjan ta' Azzjoni hu li jgħin lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali jippromovu kultura ta' mobbiltà urbana sostenibbli, b'mod partikolari billi jnaqqsu t-traffiku u l-konġestjoni fil-bliet, u konsegwentement, l-aċċidenti tat-toroq, it-tniġġis fl-arja u l-konsum tal-enerġija, iżda ma jimponilhomx soluzzjonijiet standardizzati.
4.3 Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni bl-ebda mod ma jipprova jissostitwixxi lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali fl-għażla ta' soluzzjonijiet li jindirizzaw il-problemi tal-mobbiltà urbana. Il-Pjan huwa intiż bħala inċentiv u jipproponi li jinġabru, jiġu dokumentati u skambjati l-esperjenzi biex jiġu promossi l-prattiki t-tajba, biex jittieħed vantaġġ mill-possibbiltajiet ta' finanzjament u ta' kofinanzjament tal-Unjoni, biex jiġu appoġġjati l-proġetti ta' riċerka u jitħejjew dokumenti ta' gwida, b'mod partikolari dwar il-merkanzija u s-sistemi ta' trasport intelliġenti.
4.4 Il-Pjan ta' Azzjoni globali jidentifika 20 miżura konkreta kklassifikata f'sitt temi ewlenin, miġbura fil-qosor hawn taħt, u li għandhom jiġu implimentati skont skeda definita sal-2012.
4.4.1
L-għan hu li jiġi żviluppat approċċ integrat li jqis l-interdipendenza bejn il-mezzi tat-trasport, ir-restrizzjonijiet spazjali tal-ambjent u r-rwol tas-sistemi urbani biex tiġi promossa l-interkonnessjoni tal-mezzi kollha tat-trasport, b'mod partikolari bħala parti mill-pjani ta' mobbiltà urbana.
4.4.2
Għandna niffokaw fuq:
|
— |
l-effetti ta' lieva (it-tariffar, il-kwalità, l-aċċessibbiltà għall-persuni b'inqas mobbiltà, l-informazzjoni, id-drittijiet tal-passiġġieri, iż-żoni ekoloġiċi, eċċ.) biex iċ-ċittadini jitħeġġu jużaw regolarment it-trasport pubbliku u mezzi oħra ta' trasport mhux motorizzat, |
|
— |
kampanji edukattivi, informattivi u ta' sensibilizzazzjoni għal imġiba sostenibbli, |
|
— |
sewqan li jiffranka l-enerġija għas-sewwieqa privati u professjonali. |
4.4.3
L-għan tal-Pjan ta' Azzjoni huwa li jappoġġja r-riċerka u l-iżvilupp ta' vetturi b'livelli baxxi jew żero ta' emissjonijiet u l-mezzi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent. Il-Kummissjoni ser taġġorna gwida fl-internet li fiha informazzjoni dwar vetturi li ma jniġġsux, u ser tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-iskemi ta' tariffar fiż-żoni urbani. Beħsiebha wkoll tanalizza l-effiċjenza tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni.
4.4.4
Il-Kummissjoni tixtieq taħdem favur ir-razzjonalizzazzjoni tas-sorsi Ewropej eżistenti ta' finanzjament u teżamina l-ħtiġijiet tal-ġejjieni. Ser tippubblika dokument ta' gwida dwar il-mobbiltà urbana sostenibbli u l-politika tal-koeżjoni soċjali u ser tistudja bosta skemi ta' tariffar għat-trasport urban. L-għan hu li tipprovdi informazzjoni aħjar dwar l-opportunitajiet attwali ta' finanzjament mill-Unjoni, ittejjeb l-opportunitajiet li jeżistu billi tiżgura li l-istrumenti kollha, bħall-Fondi Strutturali u l-fondi għar-riċerka, jaħdmu flimkien b'mod aħjar, tesplora skemi innovattivi ta' sħubijiet privati-pubbliċi u teżamina l-ħtiġijiet ta' finanzjament għal mobbiltà urbana sostenibbli.
4.4.5
Il-partijiet kkonċernati għandhom ikunu jistgħu japprofittaw mill-esperjenza li jkunu kisbu l-oħrajn. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ser tistabbilixxi bażi tad-data li tinkludi informazzjoni dwar firxa wiesgħa ta' soluzzjonijiet diġà ttestjati u implimentati. Din il-bażi tad-data ser tagħti wkoll ħarsa ġenerali lej il-leġislazzjoni Ewropea u l-istrumenti utli ta' finanzjament, b'mod partikolari permezz ta' osservatorju tal-mobbiltà urbana f'forma ta' pjattaforma virtwali.
4.4.6
Biex tiffaċilita l-bidla lejn mezzi tat-trasport aktar ekoloġiċi u loġistika aktar effiċjenti, il-Kummissjoni ser tipproponi li jitħaffu l-pjani ta' mobbiltà urbana sostenibbli fil-bliet u r-reġjuni. Għal dan il-għan, ser tfassal dokument ta' gwida dwar l-aspetti importanti ta' dawn il-pjani bħad-distribuzzjoni tal-merkanzija fiż-żoni urbani u s-sistemi ta' trasport intelliġenti.
4.5 Fl-2012, il-Kummissjoni ser teżamina l-implimentazzjoni ta' pjan globali u ser tiddeċiedi hemmx bżonn li jittieħdu azzjonijiet ġodda.
5. Kummenti ġenerali
5.1 It-trasport pubbliku huwa ta' interess ġenerali u għaldaqstant għandu jissodisfa kriterji ta' universalità, aċċessibbiltà, kontinwità, kwalità u prezz raġonevoli. Fid-dawl ta' dan kollu, il-KESE japprova l-azzjonijiet kollha stabbiliti fil-Komunikazzjoni peress li kull waħda minnhom hija pass fit-triq it-tajba.
5.2 Madankollu, jekk il-KESE, minn naħa, jinsab kuntent li d-dokument tal-Kummissjoni jikkwota l-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper dwar il-mobbiltà urbana fost l-opinjonijiet ta' referenza li fuqhom hija bbażata l-Komunikazzjoni, min-naħa l-oħra, iħoss li għandu jinnota li l-proposti tal-Kummissjoni b'mod ġenerali ma jikkunsidrawx biżżejjed ir-rakkomandazzjonijiet li għamel il-KESE f'dik l-opinjoni u f'opinjonijiet oħra dwar is-suġġett (7).
5.3 Mingħajr ma jinxteħet dubju fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà u s-setgħa limitata tal-Unjoni Ewropea f'dan il-qasam, il-KESE jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet li ressaq fl-opinjoni esploratorja tiegħu (8) (L-integrazzjoni tal-politiki tat-trasport u tal-użu tal-art għal trasport iktar sostenibbli fil-bliet) favur it-tisħiħ tar-rwol tal-Unjoni għadhom ma ġewx ikkunsidrati.
5.4 Biex ma tiksirx il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni tat lilha nfisha r-rwol li tiffaċilita jew li tgħin, aktar milli tirregola jew tipprovdi s-servizz. Il-biċċa l-kbira tal-miżuri li ressqet il-Kummissjoni mhuma xejn aktar ħlief pariri b'intenzjoni tajba – u ċertament jistħoqqilhom tifħir – iżda la huma vinkolanti u wisq inqas revoluzzjonarji.
5.5 Barra minn hekk, kull min jaqra l-Komunikazzjoni inkwistjoni jista' jasal għall-konklużjoni li fil-fatt hija kopja, jekk mhux kelma b'kelma, tal-inqas f'termini ta' kontenut, tal-Komunikazzjoni dwar l-iżvilupp tan-netwerk taċ-ċittadini COM(1998) 431 finali.
5.6 Ħdax-il sena wara l-Komunikazzjoni tal-1998, magħrufa bl-islogan ta' “push and pull” (biex in-nies jitħeġġu jużaw it-trasport pubbliku minflok il-karozza privata), l-istess kwistjonijiet għadhom rilevanti sal-lum, b'mod partikolari l-promozzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u t-tqabbil tal-prestazzjoni, it-twaqqif ta' qafas politiku adatt u l-użu tal-istrumenti finanzjarja tal-Unjoni Ewropea.
5.7 Il-KESE jiddispjaċih li ma saritx valutazzjoni tal-inizjattivi previsti fil-Komunikazzjoni tal-1998 bħal pereżempju: is-servizz Ewropew ta' informazzjoni għat-trasport lokali (ELTIS), il-ftehim konkluż man-netwerk tal-bliet u r-reġjuni (POLIS), l-interkonnessjoni tan-netwerks nazzjonali ta' passaġġi ddedikati għaċ-ċiklisti, l-iżvilupp ta' sistema ta' awtovalutazzjoni tal-prestazzjoni ta' kwalità, il-proġett pilota ta' benchmarking tal-prestazzjoni tas-sistemi tat-trasport lokali tal-passiġġieri, il-gwida dwar il-ġestjoni tal-mobbiltà u l-analiżi tal-ostakli, l-istampar ta' biljetti b'mod elettroniku, it-taħriġ tas-sewwieqa professjonali, il-komunikazzjoni dwar il-ġestjoni tal-mobbiltà prevista għall-2000 kif ukoll għadd ta' proġetti ta' riċerka li tħabbru.
5.8 Il-KESE kien jippreferi li kieku l-Pjan ta' Azzjoni, tal-anqas, ikun akkumpanjat minn objettivi kwantitattivi bbażati fuq sensiela ta' indikaturi (ara l-Opinjoni CESE 1196/2009) li l-bliet u r-reġjuni periurbani għandhom jipprovaw jilħqu permezz ta' pjani ta' mobbiltà sostenibbli li jagħżlu huma.
5.9 Dan huwa ta' dispjaċir akbar fid-dawl tal-fatt li fil-Komunikazzjoni tagħha dwar “Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista' tintuża faċilment” COM(2009) 279 finali, il-Kummissjoni jiddispjaċiha li ma ntlaħqux l-objettivi li ġew stabbiliti fir-rigward tas-sostenibbiltà tat-trasport u li jeħtieġ li d-direzzjonijiet jinbidlu b'mod fundamentali.
5.10 Il-kwistjonijiet soċjali, il-pressjoni fuq l-ambjent mis-soċjetà tal-konsumaturi, il-mobbiltà mhux motorizzata, il-muturi u miżuri biex jiġi evitat l-ivvjaġġar b'vetturi bil-mutur pjuttost twarrbu. Dan jgħodd ukoll għall-kooperazzjoni transkonfinali, l-ippjanar tal-art, l-iżvilupp urban u t-tifrix urban (urban sprawl) li jżidu l-bżonn ta' infrastruttura tat-trasport.
5.11 Il-KESE jqis li huwa neċċessarju li dan il-pjan ta' azzjoni jiġi ffinalizzat bi pjan ieħor, li jidħol fid-dettall dwar, fost oħrajn, il-mobbiltà mhux motorizzata u l-muturi.
5.12 L-għan ewlieni tal-Pjan ta' Azzjoni huwa t-titjib u l-ġestjoni tal-mobbiltà motorizzata individwali, u mhux li dan jiġi evitat. Il-ġestjoni restrittiva tat-talba għall-użu tal-karozza, kemm jekk permezz ta' approċċi pożittivi bħall-promozzjoni ta' skemi ta' car-pooling jew ta' miżuri dissważivi (politika dissważiva ta' pparkjar, ħlasijiet għall-użu tat-triq u ċitazzjonijiet), hija limitata għad-dikjarazzjoni ta' studju dwar ir-regoli li jikkonċernaw l-aċċess għat-tipi differenti ta' żoni ħodor.
5.13 L-istudji previsti fil-Pjan ta' Azzjoni, b'mod partikolari dwar l-aċċettazzjoni mill-pubbliku tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq f'żoni urbani, l-integrazzjoni ta' sewqan li jiffranka l-enerġija, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni u d-disponibbiltà tat-teknoloġiji u l-mod kif jiġu rkuprati dawn l-ispejjeż, żgur li ser iġibu magħhom valur miżjud għalkemm il-miżuri prattiċi li ser ikunu meħtieġa m'għandhomx jiġu sagrifikati minħabba diskussjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
5.14 Fl-aħħar, il-Pjan ta' Azzjoni ma jindirizzax il-mod kif is-soċjetà ċivili tista' tkun involuta aktar mill-qrib f'azzjonijiet li jippromovu mobbiltà sostenibbli, minkejja l-fatt li s-soċjetà ċivili tista' tlaqqa' flimkien il-partijiet ikkonċernati u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u u tissensibilizza lill-pubbliku b'tali mod li jerġa' jikkunsidra u jbiddel il-mod ta' kif normalment jivvjaġġa.
6. Kummenti partikolari
Biex ikompli mal-kummenti ġenerali t'hawn fuq, il-KESE jixtieq jagħmel għadd ta' osservazzjonijiet dwar uħud mill-20 azzjoni speċifika.
Azzjoni Nru 1 – Aċċelerazzjoni tal-adozzjoni ta' pjanijiet ta' mobbiltà urbana sostenibbli
Azzjoni Nru 6 – Titjib tal-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar
6.1 Il-KESE jilqa' l-fatt li fil-futur il-Kummissjoni ser tagħti l-appoġġ loġistiku tagħha lill-awtoritajiet lokali għall-implimentazzjoni ta' pjani ta' mobbiltà urbana sostenibbli għat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri.
6.2 Il-Pjan ta' Azzjoni jispeċifika li fuq medda itwal ta' żmien, il-Kummissjoni tista' tieħu miżuri oħra, pereżempju permezz ta' inizjattivi u rakkomandazzjonijiet.
6.3 Il-KESE jixtieq itenni l-proposta tiegħu biex kull għajnuna finanzjarja li tingħata lill-awtoritajiet lokali mill-fondi Ewropej tkun soġġetta għall-obbligu li jitfasslu pjani ta' mobbiltà, filwaqt li l-bliet għandhom ikunu ħielsa li jadattaw dawn il-pjani għall-ispeċifiċitajiet lokali.
6.4 Madankollu, dawn il-pjani għandhom jinkludu objettiv vinkolanti għal bidla lejn mezzi tat-trasport aktar ekoloġiċi b'konformità mal-esiġenzi minimi Ewropej bil-għan li:
|
— |
jiġi żgurat li kull ċittadin, viżitatur u professjonist igawdi minn mezzi tat-trasport sostenibbli u jiġu eliminati l-inugwaljanzi soċjali fir-rigward tal-mobbiltà; |
|
— |
jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2, it-tniġġis, l-istorbju u l-konsum tal-enerġija; |
|
— |
jittejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż esterni. |
6.5 Il-premju speċjali għall-“mobbiltà urbana” irrakkomandat mill-Kummissjoni, premju li l-KESE jħeġġeġ li għandu jiġi implimentat mingħajr dewmien, għandu jingħata jekk dawn il-kriterji jiġu rispettati.
Azzjoni Nru 4 – Pjattaforma dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport pubbliku urban
6.6 Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-proposta tiegħu biex id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport pubbliku jinġabru flimkien f'“karta tad-drittijiet”.
6.7 Madankollu, il-KESE jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-approċċ regolatorju ser jiġi kkompletat permezz ta' indikaturi komuni ta' kwalità biex jiġu protetti d-drittijiet tal-passiġġieri u tal-persuni b'inqas mobbiltà, kif ukoll permezz ta' proċeduri komuni ta' ilmenti u mekkaniżmi ta' notifika.
6.8 Il-KESE jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tindirizzax wieħed mill-ostakli ewlenin għall-użu tat-trasport pubbliku, jiġifieri n-nuqqas ta' sigurtà speċjalment fuq ir-rotot li l-anqas jintużaw u l-vjaġġi ta' filgħaxija jew ta' billejl u jemmen li persunal imħarreġ kif suppost u fi kwantijiet suffiċjenti u s-sorveljenza permezz ta' vidjo huma mezzi ta' prevenzjoni effikaċji kontra l-kriminalità fit-trasport pubbliku.
6.9 In-numru kbir ta' atturi, li jwassal għal differenzi konsiderevoli fil-forma u s-sustanza tal-miżuri adottati, jagħmilha indispensabbli li l-azzjonijiet jiġu valutati b'mod regolari biex jiġi determinat jekk azzjoni jew politika tissodisfax il-bżonnijiet tal-utenti bil-għan li, fejn ikun meħtieġ, tiġi adattata, modifikata jew eliminata. Madankollu, il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni ma jsemmi xejn minn dan.
Azzjoni Nru 5 – Titjib tal-aċċessibbiltà għal persuni b'inqas mobbiltà
6.10 Il-KESE jqis li l-għadd ta' ċittadini Ewropej b'inqas mobbiltà (l-anzjani, il-morda, persuni b'diżabbiltà, iżda wkoll nisa tqal jew persuni b'pushchair) jaqbeż sew il-100 miljun.
6.11 Għalkemm ċerti bliet ħadu miżuri eżemplari favur il-persuni b'inqas mobbiltà, xorta waħda jibqgħu inizjattivi iżolati. Ħafna drabi dawn il-persuni jiffaċċjaw ostakli li diffiċli jingħelbu huma u jivvjaġġaw bit-trasport pubbliku (aċċessibbiltà, tagħmir) jew bil-mixi (postijiet kumplessi mnejn jaqsmu n-nies, bankini dojoq, terrazzi ta' cafés jew ristoranti fuq il-bankini, eċċ.). Ma' dan wieħed irid iżid ukoll in-nuqqas ta' sens ċiviku ta' ċittadini oħra (jipparkjaw fejn iridu, ma jirrispettawx postijiet ta' parkjar riservati għall-persuni b'diżabbiltà). Il-KESE jilqa' l-intenzjoni tal-Presidenza Spanjola tal-Kunsill li jinħoloq mekkaniżmu jew programm pan-Ewropew bex tiġi promossa l-aċċessibbiltà fil-bliet u l-muniċipalitajiet tal-Ewropa, u jesprimi x-xewqa tiegħu li jkun involut mill-qrib f'inizjattiva bħal din fid-dawl tar-rilevanza tagħha għas-soċjetà ċivili.
6.12 L-appoġġ tekniku mhuwiex żviluppat biżżejjed biex jaqdi l-bżonnijiet reali tal-individwi minħabba d-daqs limitat tas-suq li jfixkel l-investiment u l-innovazzjoni.
6.13 Għaldaqstant, il-KESE jaqbel bis-sħiħ li l-kwistjoni tal-aċċessibbiltà tal-persuni b'inqas mobbiltà tiġi integrata fl-Istrateġija tal-UE dwar id-Diżabbiltà 2010–2020 u li jiġu definiti indikaturi ta' kwalità u mekkaniżmi ta' notifika adatti.
6.14 Flimkien ma' dawn il-miżuri, il-mezzi finanzjarji adatti għandhom ikunu disponibbli fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, iżda qabel kollox fil-livell tal-UE permezz tal-fondi Ewropej.
Azzjoni Nru 8 – Kampanji dwar imġiba li tiffavorixxi l-mobbiltà sostenibbli
6.15 Il-Kummissjoni beħsiebha tikkunsidra premju speċjali biex tħeġġeġ l-adozzjoni ta' pjani ta' mobbiltà urbana sostenibbli.
6.16 Il-KESE jilqa' l-introduzzjoni ta' premju bħal dan u jirreferi għall-opinjoni tiegħu (CES 324/99) dwar il-Green Paper dwar netwerk taċ-ċittadini fejn diġà kien ressaq l-idea li l-fatt li jingħataw premji għall-kwalità u/jew il-prezz jistimula l-kompetizzjoni fil-qasam tal-kwalità b'mod ġenwin.
Azzjoni Nru 12 – Studju dwar aspetti urbani tal-internalizzazzjoni ta' spejjeż esterni
Azzjoni Nru 13 – Skambju ta' informazzjoni dwar skemi ta' tariffar f'żoni urbani
6.17 Trasport pubbliku bi prezzijiet raġonevoli huwa, bla dubju ta' xejn, vijabbli mil-lat soċjali madankollu huwa evidenti li, mil-lat finanzjarju, dan iwassal għal telf konsiderevoli. Id-dħul mill-utenti ma jistax ikopri l-ispejjeż operattivi kollha u wisq anqas l-investiment u dan ifisser li s-sussidji pubbliċi jibqgħu essenzjali.
6.18 F'dan il-kuntest, il-KESE jaqbel li studju metodoloġiku dwar l-aspetti urbani tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, kif iddikjarat il-Kummissjoni, fil-futur ser iwassal għal trasparenza fil-kalkoli tal-ispejjeż tas-settur. Huwa jfakkar li l-kwistjoni tal-ispejjeż esterni diġà ġiet indirizzata fil-Komunikazzjoni tal-1998, kif diġà ġiet indirizzata l-possibbiltà li d-dħul mit-tariffar għall-użu tat-toroq jista' jiġi investit mill-ġdid fil-livell lokali, b'mod partikolari fit-trasport pubbliku u l-arranġamenti għan-nies li jimxu fit-triq u ċ-ċiklisti. Għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni fir-rigward ta' dawn iż-żewġ kwistjonijiet.
Azzjoni Nru 15 – Analiżi tal-ħtiġijiet ta' finanzjament fil-ġejjieni
6.19 9 % biss tal-krediti tal-fondi strutturali huma allokati għat-trasport rigward il-mobbiltà urbana, meta prattikament il-bliet u r-reġjuni kollha (b'livelli differenti) jonqoshom il-fondi neċessarju għall-investiment suffiċjenti fil-mobbiltà urbana.
6.20 Għalkemm fil-pjan ta' direzzjoni tagħha l-Kummissjoni tipprevedi analiżi tal-ħtiġijiet ta' finanzjament fil-ġejjieni wara l-2010, filwaqt li tkompli tappoġġja finanzjarjament il-programm CIVITAS (9), il-KESE kien jippreferi li kieku jittieħed impenn aktar formali għall-allokazzjoni ta' fondi addizzjonali, iżda mingħajr ma jiġu injorati l-possibbiltajiet finanzjarji għall-mobbiltà urbana permezz tal-fondi miġbura mis-sistemi ta' ħlas għall-użu tat-toroq urbani jew mit-taxxi tal-parking. Il-KESE jipproponi l-ħolqien ta' strument finanzjarju speċifiku għall-promozzjoni tal-mobbiltà urbana.
6.21 Fil-Komunikazzjoni tal-1998 dwar l-iżvilupp tan-netwerk taċ-ċittadini, l-għan tal-Kummissjoni kien li tappoġġja b'mod prijoritarju l-iskemi lokali u reġjonali ta' trasport sostenibbli u xtaqet teżamina mezzi biex jiġi żgurat li dawk li jippromovu skemi bħal dawn iqisu r-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà. Il-KESE jkun ferm interessat li jiġi infurmat dwar ir-riżultat ta' din l-analiżi.
6.22 Fil-fehma tal-KESE, aktar milli jipprevedi l-prijoritajiet, waqt ir-reviżjoni ppjanata għall-2013, ir-regolament futur dwar il-fondi Komunitarji għandu jorbot l-allokazzjoni tal-fondi Komunitarji għat-trasport pubbliku urban mal-implimentazzjoni tal-pjani tal-mobbiltà urbana u r-rispett strett tal-kriterji ta' aċċessibbiltà għall-persuni b'inqas mobbiltà.
Azzjoni 17 – Il-ħolqien ta' osservatorju tal-mobbiltà urbana
6.23 Il-KESE huwa favur il-ħolqien ta' osservatorju tal-mobbiltà fil-forma ta' pjattaforma virtwali peress li l-iskambju tal-prattiki tajbin għandu jmiss l-aspetti kollha tal-mobbiltà urbana, fosthom l-aċċessibbiltà għall-persuni b'inqas mobbiltà.
Brussell, 27 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 168, 20.7.2007, p. 77.
(2) ĠU C 224, 30.8.2008, p. 39; ĠU C 317, 23.12.2009, p. 1.
(3) (2008/2217(INI)), relatur: is-Sur Savary.
(4) Direttiva 2008/50/KE dwar il-kwalità ta' l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa; Direttiva 2002/49/KE dwar il-ġestjoni tal-istorbju fl-ambjent. (Mhux disponibbli bil-Malti).
(5) COM(2009) 279 finali.
(6) ĠU C 255, 27.9.2010, p. 110.
(7) ĠU C 255, 27.9.2010, p. 110; ĠU C 224, 30.8.2008, p. 39; ĠU C 168, 20.7.2007, p. 77.
(8) ĠU C 317, 23.12.2009, p. 1.
(9) CIVITAS: (City Vitality Sustainability) programm Komunitarju ta' riċerka u innovazzjoni fil-qasam tat-trasport urban.
|
21.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/62 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili”
COM(2009) 611 finali – 2009/0170 (COD)
2011/C 21/11
Relatur ġenerali: is-Sur KRAWCZYK
Nhar l-20 ta' Novembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili
COM(2009) 611 finali – 2009/0170 (COD).
Fil-15 ta' Diċembru 2009, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Art. 59(1) tar-Regoli ta' Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-463 Sessjoni Plenarja tiegħu (seduta tas-27 ta' Mejju 2010) li jaħtar lis-Sur Krawczyk bħala r-relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’157 vot favur u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Is-sistema Komunitarja attwali għall-investigazzjoni tal-aċċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u għar-rappurtar tal-okkorrenzi mhix qed taħdem bl-ikbar effiċjenza possibbli. Ma tqisx il-progress sinifikanti li sar lejn il-ħolqien ta' suq uniku tal-avjazzjoni, b’mod partikulari permezz tal-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.
1.2 Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea bħala pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet relatati mal-qasam attwalment ifframmentat tal-investigazzjoni tal-aċċidenti fl-UE.
1.3 Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-promozzjoni tal-kooperazzjoni volontarja permezz ta' Netwerk Ewropew tal-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili. Il-KESE jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li t-twaqqif ta' Aġenzija Ewropea għall-investigazzjoni tal-aċċidenti tal-avjazzjoni ċivili jkun prematur.
1.4 Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-uniku objettiv tal-investigazzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti għandu jkun li jiġu evitati l-aċċidenti u l-inċidenti u mhux li jinsab il-ħati. Għaldaqstant il-KESE jqis li huwa essenzjali li jkompli jittejjeb it-test tal-Artikolu 15 sabiex jiġi żgurat li jkun kompletament konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness 13 tal-ICAO.
1.5 Il-KESE jenfasizza l-importanza kbira għas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni ta' proċess tal-investigazzjoni tal-aċċidenti li huwa tabilħaqq indipendenti u ħieles minn kull interferenza mill-partijiet affettwati kif ukoll mill-pubbliku, il-politika, il-mezzi tax-xandir u l-awtoritajiet ġudizzjarji.
1.6 Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza ta' “kultura ta' sikurezza” u li l-Istati Membri kollha tal-UE jiżguraw l-implimentazzjoni ta' “kultura ġusta” fi ħdan is-sistemi penali nazzjonali tagħhom. Hija meħtieġa iktar azzjoni fil-livell tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jemendaw is-sistema penali legali nazzjonali tagħhom biex jiżguraw kultura ġusta.
1.7 B’mod partikulari l-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata Karta tal-UE dwar il-Kultura Ġusta flimkien ma' partijiet interessati rilevanti oħrajn.
1.8 Il-KESE jissottolinja l-importanza li tiġi ggarantita l-indipendenza sħiħa tal-proċess tal-investigazzjoni tal-aċċidenti minn kull parti affettwata, inkluża l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Għaldaqstant huwa importanti li jiġu inklużi iktar salvagwardji fil-leġislazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-korpi tal-investigazzjoni tal-aċċidenti jżommu r-rwol ta' tmexxija tagħhom.
1.9 Il-KESE jenfasizza li d-disponibbiltà f’waqtha tal-lista tal-passiġġieri hija importanti ħafna għall-familji tal-vittmi. Madankolllu, il-KESE jaħseb li huwa daqstant ieħor importanti li l-lista disponibbli tkun it-tajba.
2. Introduzzjoni
2.1 It-trasport bl-ajru huwa wieħed mill-iktar tipi ta' trasportazzjoni siguri. L-istatistika turi li – minkejja tkabbir qawwi fit-traffiku tal-ajru minn mindu nħoloq is-suq uniku tal-avjazzjoni fl-1992 – l-Unjoni Ewropea rnexxielha tgħolli l-livell tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni, u b’riżultat ta' dan il-linji tal-ajru tal-UE huma fost l-iktar siguri fid-dinja.
2.2 Madankollu s-sikurezza qatt ma tista’ tittieħed bħala fatta u jeħtieġ li jsiru sforzi kontinwi biex jitjieb il-livell tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni. Sigur kemm ikun sigur il-qasam tal-avjazzjoni fl-UE, qatt ma tista’ tiġi eskluża l-possibilità ta' aċċidenti jew inċidenti serji. Għaldaqstant, l-investigazzjonijiet indipendenti ta' dawk l-aċċidenti jew inċidenti huma essenzjali. L-analiżi taċ-ċirkostanzi tal-aċċident twassal għal rakkomandazzjonijiet li jsiru sabiex jiġi evitat li dawn l-aċċidenti jerġgħu jseħħu fil-ġejjieni.
2.3 L-obbligu li jiġu investigati l-aċċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili huwa minqux fil-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li jagħmlu parti minnha l-Istati Membri kollha. L-istandards u l-prattiki rakkomandati ddettaljati jinsabu fl-Anness 13 tal-Konvenzjoni ICAO ta' Chicago.
2.4 Konxja mill-importanza tal-investigazzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti, fl-1980 il-Komunità Ewropea kienet diġà adottat id-Direttiva 80/1266/KEE dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-investigazzjoni tal-aċċidenti tal-ajru (1). Din id-Direttiva tal-1980 sussegwentament ġiet sostitwita mid-Direttiva 94/56/KE (2). Barra minn hekk, fl-2003 ġiet adottata d-Direttiva 2003/42/KE (3) dwar rapporti ta' okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili.
2.5 Is-sistema Komunitarja għall-investigazzjoni tal-aċċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u għar-rappurtar tal-okkorrenzi kif stabbilita attwalment mhijiex qed tiffunzjona bl-aktar mod effiċjenti possibbli minħabba li hija fframmentata. Ma tqisx b’mod adegwat il-progress sinifikanti lejn il-ħolqien ta' suq uniku tal-avjazzjoni li żied is-setgħa tal-UE fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, b’mod partikulari permezz tal-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. B’konsegwenza ta' dan, fid-29 ta' Ottubru 2009 l-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili, li għandha tirrevoka l-leġislazzjoni attwali f’dawn l-oqsma.
3. Il-proposta tal-Kummissjoni
3.1 Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-promozzjoni tal-kooperazzjoni volontarja, jiġifieri taħt ir-Regolament propost, il-kooperazzjoni informali attwali tiġi trasformata f’Netwerk Ewropew tal-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili (in-netwerk). In-netwerk mhux ser ikollu identità ġudizzjarja u l-mandat tiegħu ser ikun limitat għal kompiti konsultattivi u ta' koordinazzjoni.
3.2 Barra minn hekk, il-proposta tikkomplementa l-kooperazzjoni volontarja b’għadd ta' obbligi mħaddna fil-liġi:
|
— |
l-implimentazzjoni fil-liġi Komunitarja tal-istandards u l-prattiki rakkomandati fil-livell internazzjonali marbutin mal-ħarsien tal-evidenza u l-informazzjoni sensittiva dwar is-sikurezza, skont l-Anness 13 tal-ICAO; |
|
— |
l-istabbiliment ta' rekwiżiti komuni f’termini tal-organizzazzjoni tal-Awtoritajiet nazzjonali tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza u t-tisħiħ tal-indipendenza tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza; |
|
— |
koordinazzjoni aħjar tal-varji inkjesti dwar xi jkun ikkawża l-aċċidenti u l-inċidenti; |
|
— |
il-kjarifika tad-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u tal-Awtoritajiet nazzjonali tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza mingħajr ma tiġi kompromessa l-indipendenza tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza; |
|
— |
l-ispeċifikar tal-kriterji li abbażi tagħhom l-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza jaħtru r-rappreżentanti akkreditati għall-Istat tad-Disinn; |
|
— |
taħseb għal Kultura Ġusta billi tfassal il-linji għal sistema ta' rappurtar mhux punittiva; |
|
— |
l-istabbiliment ta' rekwiżiti komuni għal-linji tal-ajru Komunitarji rigward il-listi tal-passiġġieri u l-ħarsien tad-data ta' ġo fihom (jiġifieri l-Artikolu 23 tar-Regolament propost); |
|
— |
it-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi tal-aċċidenti tal-ajru u tal-familji tagħhom; |
|
— |
ħarsien aħjar tal-anonimità tal-persuni involuti fl-aċċidenti; |
|
— |
l-istabbiliment ta' bank tad-data komuni għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u f’liema stadju tkun waslet l-azzjoni meħuda bi tweġiba għalihom. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea u jqisha bħala pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet relatati mal-qasam attwalment ifframmentat tal-investigazzjoni tal-aċċidenti fl-UE. Madankollu, il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi monitorjata l-effettività tal-proposta filwaqt li jitqies il-fatt li xi Stati Membri iżgħar m’għandhomx l-għarfien espert u/jew ir-riżorsi fil-qasam tal-investigazzjoni tal-aċċidenti. Għaldaqstant, il-KESE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-kriterji dwar il-livell minimu meħtieġ ta' kompetenzi tekniċi tal-Korpi tal-Investigazzjoni tal-Aċċidenti kif ukoll għall-investigaturi – u jħeġġeġ lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom lejn dan.
4.2 Il-KESE jilqa’ b’mod partikulari l-approċċ pragmatiku tal-Kummissjoni bbażat fuq is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Il-KESE jaqbel mal-ġudizzju tal-Kummissjoni li t-twaqqif ta' Aġenzija Ewropea għall-investigazzjoni tal-aċċidenti tal-avjazzjoni ċivili jkun prematur għalkemm m’għandux jiġi eskluż fuq medda itwal ta' żmien. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi żgurat li n-netwerk ikun miftuħ għal dawk il-pajjiżi li mhumiex fl-UE li għandhom fruntieri mal-UE u li qed jikkooperaw mill-qrib mal-UE, b’mod partikulari dawk l-Istati li huma membri tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (ECAC).
4.3 Il-KESE jenfasizza l-importanza kbira għas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni ta' proċess tal-investigazzjoni tal-aċċidenti li huwa tabilħaqq indipendenti u ħieles minn kull interferenza mill-partijiet affettwati kif ukoll mill-pubbliku, il-politika, il-mezzi tax-xandir u l-awtoritajiet ġudizzjarji.
4.4 Il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll il-fatt li l-uniku objettiv tal-investigazzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti huwa li jiġu evitati l-aċċidenti u l-inċidenti u mhux li jinsab il-ħati. Għaldaqstant il-KESE jqis li huwa essenzjali li jkompli jittejjeb it-test tal-Artikolu 15 sabiex jiġi żgurat li jkun kompletament konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness 13 tal-ICAO. B’mod partikulari, is-suġġeriment li jingħataw iktar drittijiet lill-awtoritajiet ġudizzjarji u l-interess pubbliku għal finijiet oħra barra mill-investigazzjoni tal-aċċidenti huwa kontroproddutiv u jista’ jxekkel ir-rappurtar volontarju ta' okkorrenzi jew inċidenti. Il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-proċess tal-investigazzjoni tal-aċċidenti jibqa’ separat għalkollox minn kwalunkwe proċedura ġudizzjarja. Dan għaliex jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-ġbir ta' informazzjoni dwar is-sikurezza u għaldaqstant jista’ jwassal biex is-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni fl-UE teħżien. Il-KESE jenfasizza li din mhux ħa taffettwa d-dritt tal-vittmi li jingħataw kumpens permezz ta' proċeduri indipendenti separati mill-proċessi tal-investigazzjoni tal-aċċident. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ħarsien ta' data sensittiva dwar is-sikurezza kif ukoll il-ħarsien tal-impjegati li jirrappurtaw avvenimenti relatati mas-sikurezza.
4.4.1 Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tad-Dikjarazzjoni li nħarġet fis-26 ta' April 2010 mill-Organizzazzjonijiet tas-Settur tat-Trasport bl-Ajru relatata mar-Regolament tal-UE dwar l-Investigazzjoni tal-Aċċidenti fl-Ajru. Din tqajjem tħassib serju dwar il-proposta tal-Kummissjoni (approvata mill-Kunsill tat-Trasport tal-11 ta' Marzu 2010), fir-rigward ta' dak li jfissru bħala l-primat tal-investigazzjoni ġudizzjarja fuq l-investigazzjoni tas-sikurezza. Skont l-organizzazzjonijiet firmatarji, dan jippreġudika bil-kbir il-kapaċità tal-investigaturi tal-aċċidenti li kunfidenzjalment jiksbu l-informazzjoni neċessarja biex jindividwaw il-fatturi li jkunu kkontribwixxew għall-aċċidenti u għalhekk jipprevenihom milli jagħmlu rakkomandazzjonijiet informati sew dwar is-sikurezza bżonjużi biex titjieb is-sigurtà tal-avjazzjoni u jiġu evitati aċċidenti fil-futur. Fl-aħħar, dan mhux fl-interess tal-utenti tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa.
4.5 Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza ta' “kultura ta' sikurezza” u li l-Istati Membri kollha tal-UE jiżguraw l-implimentazzjoni ta' “kultura ġusta” fi ħdan is-sistemi penali nazzjonali tagħhom. Fl-interess tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni, huwa essenzjali li r-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-aċċidenti jintużaw biex jiġu evitati aċċidenti futuri minflok biex jiġu kkastigati żbalji mhux intenzjonati, għaliex dan jista’ jxekkel investigazzjoni tajba tal-aċċident. Il-KESE huwa tal-fehma li r-regolament għandu jipprovdi qafas li fih il-partijiet kollha involuti fl-aċċidenti jistgħu jaqsmu l-informazzjoni u jitkellmu b’mod ħieles u kunfidenzjali. Iċ-ċertezza legali, jiġifieri sensiela b’saħħitha ta' regoli legali li jiddefinixxu mingħajr ambigwità fejn l-informazzjoni dwar is-sikurezza tista’ jew ma tistax tintuża barra mill-investigazzjoni tal-aċċident, hija neċessarja sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni miftuħa b’mod kunfidenzjali. Mingħajr din iċ-ċertezza l-persuni involuti ser jibżgħu jikkontribwixxu għall-investigazzjoni. Il-KESE jenfasizza li hija meħtieġa iktar azzjoni fil-livell tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jemendaw is-sistema penali legali nazzjonali tagħhom biex jiżguraw kultura ġusta. B’mod partikulari l-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata Karta tal-UE dwar il-Kultura Ġusta. Il-KESE jilqa’ l-“Karta għal kultura ġusta” li ġiet miftiehma mill-imsieħba soċjali Ewropej tal-avjazzjoni ċivili fil-31 ta' Marzu 2009.
4.6 Skont il-KESE d-disponibbiltà f’waqtha tal-lista tal-passiġġieri hija importanti għall-familji tal-vittmi. Madankollu, il-KESE jħoss li huwa daqstant ieħor importanti li l-lista disponibbli tkun it-tajba. Għaldaqstant il-KESE jħoss li skadenza ta' siegħa għat-tressiq tal-lista tal-passiġġieri tista’ tinżamm bil-kundizzjoni li jkun hemm xi eċċezzjonijiet meta dan ma jkunx teknikament fattibbli, b’mod partikulari għal titjiriet fuq distanzi twal li jitilqu minn pajjiżi terzi. Linja tal-ajru tista’ faċilment toħroġ lista mhux ivverfikata fi żmien siegħa iżda lista vverifikata hija essenzjali, b’mod partikulari għal titjiriet fuq distanzi twal li jitilqu minn destinazzjonijiet mhux fl-UE. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-privatezza u tal-ħarsien tad-data u għaldaqstant iħoss li l-listi tal-passiġġieri li l-linji tal-ajru jistgħu jipprovdu mis-sistemi taċ-check-in u tal-ibbukkjar għandhom ikunu biżżejjed għal dan il-għan.
4.7 Il-KESE jissottolinja l-importanza li fil-proċess tal-investigazzjoni tal-aċċidenti tiġi ggarantita indipendenza sħiħa mill-partijiet kollha affettwati, inkluża l-Aġenzija Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili. Għaldaqstant huwa importanti li jiġu inklużi iktar salvagwardji fil-leġislazzjoni sabiex ikun żgurat li l-korpi tal-investigazzjoni tal-aċċidenti jżommu r-rwol ta' tmexxija tagħhom. Minflok, l-EASA tista’ ssir parti (konsulent) tal-investigazzjoni flimkien ma' partijiet oħra affettwati (linja tal-ajru, manifattur, eċċ.) iżda m’għandhiex titħalla tinfluwenza l-proċess jew ir-riżultat tal-investigazzjoni. Il-KESE b’mod partikulari jixtieq jirrimarka l-fatt li l-EASA m’għandhiex titħalla taġixxi bħala investigatur akkreditat tal-aċċidenti billi dan iwassal għal kunflitt ta' interess mar-rwol tal-EASA bħala regolatur tas-sikurezza u għaldaqstant ma jkunx konformi mal-ispirtu tal-Anness 13 tal-ICAO. Minkejja dan, il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll l-importanza li r-rakkomandazzjonijiet ta' kull investigazzjoni jintbagħtu lill-EASA, meta dan ikun xieraq u meħtieġ sabiex l-EASA taġixxi fir-rigward ta' tħassib immedjat dwar is-sikurezza.
4.8 Il-KESE jilqa’ l-proposta li tinħoloq bażi tad-data ċentrali ta' rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-investigazzjonijiet tal-aċċidenti, inkluż l-istat tas-segwitu tagħhom. Madankollu – fuq l-eżempju tas-sistema tal-Istati Uniti, li fiha l-FAA teżamina r-rakkomandazzjonijiet li joriġinaw mill-US National Transport Safety Board (NTSB) – il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-Aġenzija Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (EASA) tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa tal-benefiċċju miżjud għas-sikurezza u l-impatt regolatorju ta' kull rakkomandazzjoni ta' sikurezza qabel ma tipproċedi bit-tfassil ta' regoli.
4.8.1 Il-KESE jħeġġeġ iktar azzjoni tal-UE sabiex tiġi żgurata analiżi fil-fond u adatta tar-rapporti tal-inċidenti u sabiex ir-riżorsi minn madwar l-Ewropa kollha jingħaqdu b’mod aħjar f’dan il-kuntest.
4.9 Il-KESE jenfasizza l-importanza, fl-interess tas-sikurezza, li l-Istati Membri kollha tal-UE (u mhux fl-UE) jifhmu b’mod ċar il-kontenut tar-rapport dwar l-investigazzjoni ta' aċċident (Artikolu 19). Sikwit jiġri li l-Awtoritajiet Ċivili Nazzjonali tal-Investigazzjoni jipproduċu rapporti bil-lingwa nazzjonali tagħhom biss, anke jekk inkunu involuti partijiet barranin. Il-KESE jirrakkomanda li tal-inqas tiġi pprovduta traduzzjoni bl-Ingliż ta' kull rapport dwar l-investigazzjoni ta' aċċident.
4.10 Il-KESE jirrimarka li s-sikurezza dejjem se tieħu preċedenza fuq rekwiżiti oħrajn bħall-ħarsien tal-proprjetà intellettwali. Min-naħa l-oħra huwa importanti li jiġu pprovduti iktar salvagwardji sabiex titħares il-proprjetà intellettwali (Artikolu 15). L-informazzjoni kummerċjali sensittiva għandha tinqasam mal-Awtoritajiet biss, u għandha titħares milli tispiċċa f’idejn kompetituri. Il-Manifatturi Oriġinali tat-Tagħmir (OEM – Original Equipment Manufacturers) m’għandhomx jingħataw l-informazzjoni kollha dwar iċ-Ċertifikati tat-Tip Supplementari (STC – Supplemental Type Certificates) jew bidliet jew tiswijiet oħrajn, u viċi versa (billi jista’ jkun fihom proprjetà intellettwali rilevanti mil-lat kummerċjali tal-organizzazzjoni li għamlet id-disinn (DOA) li ma jkollha xejn x’taqsam ma' aċċident/inċident partikulari).
Brussell, 27 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU L 375, 31.12.1980, p. 32 (mhux disponibbli bil-Malti).
(2) ĠU L 319, 12.12.1994, p. 14 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Volum 2, p. 224-229).
(3) ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Volum 7, p. 331-344).
|
21.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 21/66 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri - it-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020”
COM(2010) 193 finali
2011/C 21/12
Relatur ġenerali: is-Sur Wolfgang GREIF
Nhar il-5 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:
il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri - it-Tieni Parti tal-Linji Gwida Integrati tal-Istrateġija Ewropa 2020
COM(2010) 193 finali.
Nhar is-27 ta’ April 2010 il-Bureau tal-Kumitat ħatar lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tiegħu dwar is-suġġett.
Fid-dawl tal-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat matul l-463 Sessjoni Plenarja tas-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 (seduta tas-27 ta’ Mejju 2010) ħatar lis-Sur Wolfgang Greif bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’134 vot favur, 9 voti kontra u 12-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet
Il-KESE
|
— |
jiddispjaċih li l-Kunsill u l-Kummissjoni stabbilixxew limitu taż-żmien hekk qasir għall-adozzjoni tal-linji gwida li mhux ser jagħti lok għal dibattitu reali mas-soċjetà ċivili organizzata u mal-Parlamenti; |
|
— |
jaħseb li l-linji gwida ma jirriflettux biżżejjed il-fatt li fid-dawl tal-kriżi, il-ġlieda kontra l-qgħad għandha tkun politika prinċipali tal-UE u tal-Istati Membri; |
|
— |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-konċentrazzjoni fuq inqas linji gwida iżda jemmen li dawn huma wisq ġenerali u jżommu wisq lura biex jigwidaw b’mod effiċjenti l-azzjoni u dan idgħajjef l-aproċċ Ewropew; |
|
— |
jemmen li r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika li jolqtu s-suq tax-xogħol jenfasizzaw wisq il-provvista (it-titjib tal-impjegabbiltà) u jitlob li tiġi kkunsidrata iktar politika ta’ domanda intelliġenti, li tippromovi t-tkabbir u l-innovazzjoni fil-ġejjieni u li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol addizzjonali; |
|
— |
huwa mħasseb dwar il-fatt li l-għan tal-impjieg sħiħ (li kien wieħed ċentrali fil-linji gwida l-qodma) fil-qafas tal-linji gwida l-ġodda ma jidhirx; |
|
— |
jinsab sorpriż li l-linji gwida ma jinkludux stqarrijiet konkreti dwar il-kwalità tax-xogħol u jissuġġerixxi li l-linji gwida 8 u 9 jingħaqdu flimkien u tiġi introdotta linja gwida separata dwar il-promozzjoni tal-kwalità tax-xogħol; |
|
— |
jilqa’ l-enfasi fuq it-trijanglu tal-għarfien u l-ksib ta’ kwalifiki għolja; iżda xtaq dispożizzjonijiet iktar ambizzjużi għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ għan-nies b’diżabilità; |
|
— |
jikkritika l-fatt li b’mod ġenerali ma ssirx biżżejjed referenza għall-politika tal-ugwaljanza (eż. il-promozzjoni tan-nisa); |
|
— |
jilqa’ b’mod partikolari “il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar” bħala linja gwida separata u jemmen li għandha tenfasizza iktar it-tnaqqis tar-riskju tal-faqar fost it-tfal u ż-żgħażagħ; |
|
— |
iqis li t-tnaqqis tar-riskju tal-faqar jirrikjedi sensiela ta’ indikaturi stabbli u affidabbli li jkejlu u jsegwu l-progress, u li jkejlu wkoll pereżempju r-relazzjoni bejn id-dħul u l-kapaċità tal-akkwist kif ukoll il-konċentrazzjoni tad-dħul (koeffiċjenti ta’ Gini) u li b’hekk il-kwoti ta’ dawk li jinsabu fir-riskju tal-faqar għandhom jiddaħħlu mingħajr kwistjoni fost l-indikatur normali relattiv tal-faqar; |
|
— |
jemmen li d-dokument għandu jagħti indikazzjonijiet iktar ċari dwar l-intregrazzjoni tal-gruppi li huma f’riskju sproporzjonat ta’ faqar (pereżempju ommijiet li jgħixu waħidhom, migranti, anzjani b’pensjoni baxxa u persuni b’diżabilità). |
2. Kuntest: kritika għall-limitu taż-żmien qasir li stabbilixxew il-Kummissjoni u l-Kunsill
2.1 Nhar is-27 ta’ April 2010, il-Kummissjoni Ewropea proponiet sett ġdid ta’ linji gwida għall-politika tal-impjiegi fl-Istati Membri. Flimkien mal-linji gwida għall-politiki ekonomiċi, dawn jiffurmaw il-linji gwida integrati għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE-2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u integrat. Fil-25 u s-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew laħaq ftehim dwar l-istrateġija l-ġdida li ser tiġi adottata b’mod formali f’Ġunju.
2.2 Il-KESE kemm-il darba qabel mal-approċċ integrat u multiannwali għal strateġija futura tal-UE u kemm-il darba saħaq fuq il-fatt li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-parlamenti, tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew u nazzjonali hija pilastru kruċjali li minnu jiddependi s-suċċess tal-koordinazzjoni tal-politika u għandu jiġi garantit fil-fażijiet kollha (1).
2.3 Fl-opinjoni tiegħu dwar l-Istrateġija tal-UE għal wara l-2010, il-KESE talab li hija u tiġi riveduta mill-ġdid l-istrateġija, jiġu eliminati l-ostakli strutturali għal parteċipazzjoni parlamentari effiċjenti u djalogu soċjali reali mas-soċjetà ċivili (2). Raġuni għal dan kienet li għal snin sħaħ il-konsultazzjonijiet li saru huma u jitfasslu u jiġġeddu l-linji gwida ma kinux sodisfaċenti.
2.3.1 Il-KESE f’bosta opinjonijiet wera d-dispjaċir tiegħu għal dan u ħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill li jbiddlu l-limitu taż-żmien b’mod partikolari matul is-snin fejn jiġu stabbiliti punti strateġiċi ta’ koordinazzjoni. Jeħtieġ li tiġi garantita l-parteċipazzjoni effettiva tal-atturi rilevanti soċjali u politiċi fil-livell nazzjonali u tal-UE fil-proċess ta’ tfassil tal-politika.
2.4 Għalhekk il-KESE aktar diżappuntat għall-fatt li anki din is-sena meta ġew stabbiliti l-prijoritajiet il-ġodda għall-għaxar snin li ġejjin tal-aġenda tat-tkabbir u l-impjiegi fil-qafas tal-Istrateġija UE-2020, il-Kunsill u l-Kummissjoni stabbilixxew limiti taż-żmien qosra wisq għall-adozzjoni tal-linji gwida. Dan ma jippermettix dibattitu reali mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u mal-parlamenti nazzjonali.
2.5 Il-KESE jinnota għalhekk li b’riżultat tal-perijodu qasir wisq ta’ żmien bejn il-pubblikazzjoni tal-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill u l-limitu ta’ żmien li fih trid titressaq id-Deċiżjoni mhux possibbli ssir konsultazzjoni bħal ma jsir is-soltu bejn il-partijiet interessati rrappreżentati fil-Kumitat. B’hekk il-KESE qed ikollu jifformula l-opinjoni tiegħu skont il-proċedura ta’ urġenza.
2.6 Il-KESE għalhekk jifhem lil kull min talab li d-deċiżjoni dwar il-linji gwida integrati tiġi posposta, b’mod partikolari f’sitwazzjoni fejn l-UE qed tfassal strateġija globali tal-iżvilupp għall-għaxar snin li ġejjin.
2.6.1 F’każ li din tiġi posposta bi ftit xhur, pass li l-KESE kieku jilqa’ b’sodisfazzjon, huwa jirriserva d-dritt li irrispettivament mill-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-opinjoni, jieħu pożizzjoni solida dwar il-linji gwida proposti f’opinjoni fuq inizjattiva proprja tiegħu wara konsultazzjoni wiesgħa biżżejjed.
3. Kummenti ġenerali dwar il-linji gwida proposti
3.1 B’riżultat tal-kriżi ekonomika u tas-swieq finanzjarji, fis-snin li ġejjin l-Ewropa ser tiffaċċja sitwazzjoni diffiċli fil-qasam tal-impjieg. Skont studji attwali, jaf ikun hemm bżonn għaxar snin sħaħ sabiex jerġgħu jinkisbu l-10 miljun post tax-xogħol li ntilfu matul il-kriżi attwali (3). Għalhekk il-ġlieda kontra l-qgħad għandha tkun prijorità politika prinċipali tal-UE u tal-Istati Membri. Fil-fehma tal-KESE, il-linji gwida għandhom jirriflettu dan b’mod aktar ċar.
3.1.1 B’kollox in-numru ta’ linji gwida proposti tnaqqsu minn tmienja għal erba’ u skont il-pjanijiet tal-Kummissjoni għandhom jibqgħu l-istess sal-2014. Fil-prinċipju il-KESE jilqa’ din il-konċentrazzjoni u ċ-ċiklu bbażat fuq bosta snins iżda jemmen li bosta partijiet tat-test huma wisq ġenerali u ma huma xejn preċiżi. Huwa jibża’ li dan ser ifisser li l-linji gwida ser ikollhom effett limitat wisq fuq l-azzjoni li jieħdu l-Istati Membri. Għall-KESE huwa madanakollu ċar li inqas linji gwida jfissru bżonn ta’ indikaturi iktar ċari u affidabbli sabiex il-progress li jsir ikun jista’ jitkejjel u jiġi monitorjat. Dan jgħodd għall-miżuri għal gruppi speċifiċi iżda anki għall-ġlieda kontra l-faqar.
3.2 Flimkien ma’ dan, il-linji gwida li tressqu ma stabbilixxew kważi l-ebda miri kwantitattivi ħlief għal referenza għal dawn it-tliet miri segwenti tal-UE li għandhom iservu ta’ bażi għat-twaqqif tal-miri nazzjonali tal-Istati Membri:
|
— |
żieda fir-rata tal-impjieg tan-nisa u l-irġiel ta’ bejn 20 u 64 sena għal 75 %; |
|
— |
tnaqqis ta’ 10 % fir-rata ta’ dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u żieda fil-proporzjon tal-popolazzjoni ta’ bejn it-30 u l-34 sena li jispiċċaw l-edukazzjoni terzjarja jew kwalifika ekwivalenti b’ mill-inqas 40 %; |
|
— |
tnaqqis b’25 % fin-numru ta’ Ewropej li jgħixu taħt il-linji nazzjonali ta’ faqar, sabiex iktar minn 20 miljun persuna toħroġ mill-faqar. |
3.2.1 Il-KESE jara f’dan dgħjufija fl-approċċ Ewropew u jiddubita kemm l-għotja ta’ responsabbiltà kważi esklussiva għat-tfassil tal-inizjattivi relatati mal-politika tal-impjieg lill-Istati Membri ser issaħħaħ l-impenn f’li jintlaħqu l-miri komuni.
3.3 Il-KESE ma jistax jifhem għalfejn il-Kummissjoni żammet lura milli tiformula miri Ewropej. Fid-dibattiti dwar l-istrateġija għal wara l-2010 huwa kien talab li l-miri komuni tal-istrateġija attwali ma jiġux abbandunati iżda wkoll li b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjonijiet individwali fil-pajjiżi tal-UE, jiġu formulati għanijiet iktar ambizzjużi minn ta’ qabel (4).
3.3.1 Dwar dan il-KESE ressaq bosta proposti f’diversi opinjonijiet fejn irrakkomanda li jiżdiedu l-miri li jistgħu jitkelju fil-linji gwida tal-impjiegi, li jolqtu fost oqsma oħra: l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-impjieg fost iż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra kundizzjonijiet tax-xogħol mingħajr protezzjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar (anki fost dawk li jaħdmu) u l-impjieg tal-persuni b’diżabilità (5).
3.4 Għanijiet ċari bħall-għan li dawk li ilhom żmien twil qegħda jerġgħu jiddaħħlu fis-suq tax-xogħol, li ż-żgħażagħ jingħataw xogħol jew taħriġ fi żmien qasir, li jinħolqu faċilitajiet li jilqgħu lit- tat-tfal adegwati sabiex jinstab bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u l-familja, it-tnaqqis tad-differenzi fil-paga minħabba s-sessi eċċ. s’issa kienu l-pilastru ċentrali tal-istrateġija tal-impjiegi tal-UE u fil-fehma tal-KESE għandhom jibqgħu u fejn possibbli jissaħħu.
3.5 Il-KESE jikkritika l-fatt li fil-linji gwida proposti b’mod ġenerali ma ssirx biżżejjed referenza għall-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi b’mod partikolari l-promozzjoni tan-nisa. Min jixtieq jieħu l-impenn li jnaqqas ir-riskju tal-faqar fl-Ewropa bis-serjetà għandu jistabbilixxi għanijiet u inizzjattivi li jeliminaw id-diskriminazzjoni li teżisti fil-post tax-xogħol u l-kawżi strutturali ta’ differenzi fil-pagi relatati mas-sessi u għandhom jiġu eliminati wkoll l-ostakli li jeskludu n-nisa minn ċertu karrieri u jżommu lura l-intraprenditorija fost in-nisa (6). Il-linji gwida proposti ma jikkontribwixxux wisq f’din id-direzzjoni.
4. Kummenti speċifiċi u proposti għal żidiet mal-erba’ linji gwida dwar l-impjieg
4.1 Linja gwida 7: Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u tnaqqis fil-qgħad strutturali
4.1.1 Il-mira tal-UE li r-rata tal-impjieg tan-nisa u l-irġiel ta’ bejn 20 u 64 sena tiżdied għal 75 % sas-sena 2020 hija appoġġjata mill-KESE fil-prinċipju. Dan għan ambizzjuż ħafna għax ma jinvolvix biss żieda fir-rata globali tal-grupp speċifiku iżda għax (meta mqabbel mal-mira preċedenti) jeskludi wkoll dawk li jaqgħu taħt l-età ta’ bejn 15-19. Il-KESE jistaqsi għaliex qed issir din l-esklużjoni tal-ħaddiema żgħażagħ mill-kalkolu tar-rata totali ta’ impjieg.
4.1.2 B’rabta ma’ dan il-KESE jinnota wkoll li fis-sitwazzjoni attwali ta’ kważi 24 miljun qiegħda, il-problema tas-suq tax-xogħol mhix in-nuqqas ta’ forza tax-xogħol b’mod ġenerali iżda f’xi Stati Membri n-nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati kif ukoll in-nuqqas kbir ta’ impjiegi disponibbli. Għalhekk sabiex tiżdied il-parteċipazżjoni fis-suq tax-xogħol u għall-ħolqien tal-impjiegi hemm bżonn ta’ miżuri u forom ta’ impjiegi intelliġenti għal distribuzzjoni aħjar tax-xogħol.
4.1.3 Fid-dawl tal-livell għoli ta’ qgħad fl-UE, il-politika m’għandhiex tillimita ruħha biss li ttejjeb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema. L-enfasi fil-futur għandha tkun iktar fuq l-investimenti mmirati lejn il-futur bħal fl-oqsma tar-Riċerka u l-Iżvilupp, it-taħriġ, l-infrastruttura, is-saħħa u s-servizzi soċjali sabiex jinħolqu l-impjiegi, kif ukoll biex il-potenzjal tal-impjieg jintuża b’mod effiċjenti.
4.1.4 B’rabta ma’ dan il-KESE huwa mħasseb ukoll dwar il-fatt li l-għan tal-impjieg sħiħ (li kien wieħed ċentrali fil-linji gwida l-qodma) fil-qafas tal-linji gwida l-ġodda ma jidhirx. L-unika referenza li saret kienet għall-eliminazzjoni tal-qgħad strutturali u għat-tnaqqis tal-“inattività”. Fil-fehma tal-KESE din il-linja gwida għandha tiġi riveduta biex tkun orjentata lejn l-impjieg sħiħ.
4.1.5 Sabiex fejn possibbli nevitaw, fil-kuntest tal-kriżi, żieda fl-ammont ta’ nies li qed ifittxu x-xogħol u sabiex il-qgħad ma jitħalliex jinfirex b’mod strutturali, hemm bżonn li l-linji gwida l-ġodda kollha jinkludu taħlita makroekonomika bilanċjata tal-politika ekonomika tal-provvista u dik tad-domanda.
4.1.5.1 Fil-fehma tal-KESE, il-linji gwida b’mod ġenerali u b’mod partikolari din il-linja gwida ma jipprovdux għal dan. Fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika li jolqtu s-suq tax-xogħol, dawn jenfasizzaw wisq in-naħa tal-provvista (it-titjib tal-impjegabbiltà). Dan għandu jiġi bilanċjat permezz ta’ konsiderazzjoni ikbar tal-politika tad-domanda intelliġenti, li tippromovi t-tkabbir u l-innovazzjoni fil-ġejjieni u li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol addizzjonali.
4.1.6 Ma ssirx referenza għall-fatt li sabiex ikun hemm tkabbir li jistabbilizza s-suq tax-xogħol hemm bżonn, fuq kollox, li tissaħħaħ id-domanda interna (investimenti privati u pubbliċi). Mhuwiex iċċarat ukoll il-fatt li l-miżuri li jappoġġjaw l-ekonomija u l-investimenti li jiżguraw l-impjiegi m’għandhomx jitwarrbu minn kmieni sabiex tiġi evitata żieda oħra fil-qgħad. B’rabta ma’ dan il-KESE jemmen li “strateġija ta’ ħruġ” jew pjanijiet ta’ tisħiħ hekk kif stabbiliti fil-linji gwida ekonomiċi jistgħu jiġu ffurmati biss sakemm ikunu konformi mal-kundizzjonijiet ekonomiċi u tal-impjiegi.
4.1.7 F’dak li għandu x’jaqsam mar-rakomandazzjonijiet għall-Istati Membri li jintegraw il-prinċipji tal-flessigurtà fil-politika tax-xogħol tagħhom, jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-linja gwida ma tirreferix għall-fatt li l-kwalità tax-xogħol għandha tingħata daqstant importanza daqs il-flessigurtà, hekk kif talab il-KESE bosta drabi (7).
4.1.8 Il-KESE jitlob ukoll kjarifika tal-fatt li l-attivazzjoni tan-nies sabiex ifittxu xogħol l-ewwel u qabel kollox għandha ssir billi jiġu provduti servizzi effiċjenti tas-suq tax-xogħol u mhux daqstant permezz ta’ inċentivi ta’ benefiċċju għall-qgħad. Huwa jipproponi li fl-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu titneħħa l-parti li tgħid “akkumpanjati minn drittijiet u responsabbiltajiet ċari sabiex in-nies qiegħda jfittxu x-xogħol b’mod attiv”. Fid-dawl tal-kriżi il-KESE jemmen li r-rakkomandazzjijiet għal kundizzjonijiet iktar stretti fejn jidħlu benefiċċji għall-qgħad jistgħu jiġu eliminati.
4.2 Linja-gwida 8: L-iżvilupp ta’ forza tax-xogħol b’kapaċitajiet li jirreflettu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, il-promozzjoni tal-kwalità tal-impjiegi u t-tagħlim tul il-ħajja
4.2.1 Minkejja li l-Kumitat huwa sodisfatt li għall-inqas fit-titlu ssir referenza għall-kwalità tax-xogħol, daqstant ieħor jinsab sorpriż li ma jsirux stqarrijiet konkreti dwar dan (pereżempju dwar it-temi tal-promozzjoni tas-saħħa fil-post tax-xogħol, paga li tiggarantixxi l-għajxien, il-ġestjoni tas-sigħat tax-xogħol, il-prevenzjoni ta’ sigħat tax-xogħol eċċessivi, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja). Huwa stenna wkoll li l-promozzjoni tal-kwalità tax-xogħol tiġi relatata iktar mal-istrateġija tal-flessigurtà sabiex b’hekk tiġi enfasizzata l-importanza tal-flessigurtà interna kif ukoll esterna għax fuq kollox kienu s-swieq tax-xogħol flessibbli u interni li preservaw ruħhom l-iktar matul il-kriżi.
4.2.2 Peress li l-kontenut ta’ din il-linja gwida huwa simili għal dak tal-linja gwida 9, ta’ min jikkunsidra l-amalgamazzjoni tat-tnejn sabiex b’hekk tiġi evitata r-repetizzjoni. Min-naħa l-oħra għandha tiġi introdotta linja gwida partikolari dwar l-appoġġ tal-kwalità tax-xogħol.
4.2.2.1 Il-KESE kemm-il darba stqarr li meta jiġi stabbilit għan kwantitattiv għat-titjib tar-rati tal-impjieg, id-dimensjoni kwalitattiva tat-tkabbir fl-impjiegi tikseb importanza partikolari għax l-impjieg għal kwalunkwe prezz (kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, ħaddiema foqra eċċ.) mhuwiex is-soluzzjoni.
4.2.3 B’rabta ma’ dan il-Kumitat itenni t-talba tiegħu li jerġgħu jiġu stabbiliti l-miri kwalitattivi tal-impjiegi li ntilfu matul ir-reviżjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona tul dawn l-aħħar snin (l-indikaturi ta’ Laeken għall-kejl tal-kwalità tal-impjiegi) (8).
4.2.4 B’rabta ma’ dan il-KESE jissuġġerixxi wkoll il-monitoraġġ sistematiku tal-impjiegi l-ġodda li jinħolqu abbażi ta’ kriterji ta’ kwalità u jirrakkomanda li ssir referenza għall-isfidi prinċipali tas-suq tax-xogħol Ewropew hekk kif ġew identifikati b’mod konġunt mill-imsieħba soċjali Ewropej (9). Fosthom insibu l-fatt li l-liġi tal-impjiegi għandha tippromovi kuntratti stabbli u li kull minn hu impjegat, irrispettivament minn x’tip ta’ kuntratt ikollu, għandu jgawdi minn drittijiet adegwati li jħarsuh u mis-sigurtà tax-xogħol.
4.3 Linja-gwida 9: It-titjib fil-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli kollha u ż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja
4.3.1 Fil-fehma tal-KESE, politika għall-ħolqien ta’ “xogħol ta’ kwalità” li tinkludi miri ambizzjużi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ ġenerali u professjonali u fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja, tikkontribwixxi b’mod sostanzjali għat-tkabbir u ż-żieda fil-produttività. Għalhekk il-KESE huwa sodisfatt li din tingħata prijorità.
4.3.2 L-istess bħal-linja gwida preċedenti din tinkludi wkoll referenzi għal indikatur għaż-żgħażagħ li jinsabu fir-riskju tal-esklużjoni mis-suq tax-xogħol. Bil-għan li jitnaqqas in-numru ta’ żgħażagħ li mhumiex impjegati, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex iwaqqfu l-ħruġ kmieni mill-iskola. Dan il-punt ċentrali, fil-fehma tal-KESE għandu jiġi enfasizzat iktar pereżempju billi jinżammu miri ambizzjużi bħal
|
— |
it-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ b’mill-inqas 50 % |
|
— |
żmien massimu ta’ erba’ xhur biex iż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol jew f’xi skema ta’ apprendistat. |
4.3.3 Il-KESE jfakkar li sabiex tinkiseb il-mira UE-2020 ta’ rata tal-impjieg ta’ 75 % fil-politika tal-impjiegi hemm bżonn ta’ miżuri adegwati għall-persuni b’diżabilità li jiffurmaw 16 % tal-popolazzjoni li tista’ taħdem. F’dan ir-rigward il-Kumitat huwa sodisfatt li dan il-grupp tal-popolazzjoni jissemma b’mod espliċitu fil-linji gwida 7 u 10. Huwa kien japprezza wkoll li kieku l-edukazzjoni u t-taħriġ inklusivi ssemmew fil-linja gwida 9 għall-persuni b’diżabilità.
4.4 Linja-gwida 10: Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar
4.4.1 Il-KESE jilqa’ bis-sħiħ il-linja gwida “Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar” bħala linja separata. Dan jikkonferma punt li kien ilu jsir dwar in-nuqqas ta’ ugwaljanza soċjali li dejjem qed jiżdied fl-Ewropa u jappella għal miżuri konġunti għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Għal dan hemm bżonn ta’ pakkett sħiħ ta’ miżuri mmirati lejn gruppi speċifiċi. F’din il-linja gwida il-KESE jixtieq jara iktar enfasi fuq it-tnaqqis tar-riskju tal-faqar fost it-tfal u ż-żgħażagħ.
4.4.2 It-tnaqqis tar-riskju tal-povertà jitlob sensiela ta’ indikaturi stabbli u affidabbli sabiex il-progress ikun jista’ jitkejjel u jiġi monitorjat. Il-KESE għalhekk jitlob li l-kwota ta’ dawk li jinsabu fir-riskju tal-faqar tiġi stabbilita mingħajr kwistjoni bħala indikatur normali relattiv tal-faqar. Fil-fehma tal-KESE jagħmel sens li jiġu żviluppati indikaturi oħra li jkejlu wkoll pereżempju r-relazzjoni bejn id-dħul u l-kapaċità tal-akkwist kif ukoll il-konċentrazzjoni tad-dħul (koeffiċjenti ta’ Gini). Dan m’għandux idgħajjef il-mira prinċipali.
4.4.3 Il-KESE huwa sodisfatt bir-rakkomandazzjoni lill-Istati Membri li biex jitnaqqas il-faqar għandhom jimmiraw fuq il-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u l-ekonomija u l-estensjoni tal-opportunitajiet tal-impjiegi.
4.4.3.1 Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet ta’ studju reċenti tal-Kummissjoni li l-miżuri mmirati li jgħinu lil dawk li jaħdmu iżda huma fqar għandhom jingħataw prijorità fl-isforzi sabiex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali (10). Huwa jissuġġerixxi li tiġi żgurata paga li tiggarantixxi l-għajxien sabiex b’hekk jiġi miġġieled it-tkabbir tas-settur tal-pagi baxxi. Dan jinkludi:
|
— |
l-eliminazzjoni tal-kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol favur impjiegi permanenti bis-sigurtà soċjali; |
|
— |
il-ħarsien soċjali matul it-transizzjonijiet bejn it-taħriġ u x-xogħol; |
|
— |
il-promozzjoni ta’ approċċi effiċjenti taħt politika tas-suq tax-xogħol attiva għall-ħolqien tat-taħriġ u l-impjiegi b’mod partikolari għal dawk li huma esklużi mis-suq tax-xogħol minħabba f’nuqqas ta’ taħriġ; |
|
— |
il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-integrazzjoni ta’ dawk li huma esklużi mis-suq tax-xogħol. |
4.4.3.2 Dawn il-punti għandhom jiġu inklużi jew jiġu enfasizzati iktar f’din il-linja gwida. B’rabta ma’ dan il-KESE itenni l-proposta reċenti tiegħu li jiġu introdotti miri għad-dħul minimu u s-sistemi ta’ sostituzzjoni għad-dħul.
4.4.4 Il-ġlieda kontra l-faqar tirrikjedi b’mod partikolari miżuri ta’politika tal-impjiegi u tal-edukazzjoni għall-gruppi li huma f’riskju sproporzjonat ta’ faqar (pereżempju ommijiet li qed irabbu t-tfal waħidhom, migranti, anzjani b’pensjonijiet baxxi u persuni b’diżabilità). Kienu jkunu mixtieqa wkoll miri ċari dwar l-integrazzjoni ta’ dawn in-nies fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol.
4.4.5 Il-KESE jinnota b’mod pożittiv li jissemma’ r-rwol importanti tal-ekonomija soċjali fil-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi u fil-ġlieda kontra l-faqar u li l-Istati Membri huma mħeġġa b’mod speċifiku li jippromovuh. Dan jikkonforma mat-talba tal-KESE li jintuża bis-sħiħ il-potenzjal tal-ekonomija soċjali b’mod partikolari għall-ħolqien tal-impjiegi fil-qasam tas-servizzi soċjali.
Brussell, 27 ta’ Mejju 2010.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) Opinjoni tal-KESE, 31.5.2005, “Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (skont Artikolu 128 - Trattat KE)”, COM(2005) 141 finali. - 2005/0057 (CNS), Relatur: is-Sur Malosse (ĠU C 286, 17.11.2005) u tat-13.2.2008 dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida ta’ politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (skont Artikolu 128 - Trattat KE)”, COM(2007) 803 finali/2 (Il-V parti) – 2007/0300 (CNS), Relatur: is-Sur Greif (ĠU C 162/92, 25.6.2008)
(2) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3.
(3) Skills supply and demand in Europe: medium-term forecast up to 2020 (Cedefop, 2010), p. 35 ff.
(4) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3.
(5) Opinjonijiet tal-KESE
|
|
tat-30.9.2009 dwar it-tema “Ix-xogħol u l-faqar: lejn l-approċċ olistiku meħtieġ”, relatur: is-Sinjura Prud’homme (ĠU C 318/52, 23.12.2009) |
|
|
tal-1.10.2009 dwar it-tema “Ir-Rabta bejn l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, it-tkabbir ekonomiku u r-rata tal-impjieg”, Relatur: is-Sinjura Ouin (ĠU C 318/15, 23.12.2009) |
|
|
tal-1.10.2009, dwar “il-Komunikazzjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ – Investiment u Responsabbilizzazzjoni Metodu miftuħ u mġedded ta’ koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ”, COM(2009) 200 finali, relatur: is-Sur Sibian (ĠU C 318/113, 23.12.2009). |
(6) Opinjoni tal-KESE, 29.9.2005 dwar it-tema “Il-faqar fost in-nisa fl-Ewropa”, relatur: is-Sinjura King (ĠU C 24, 31.1.2006; (mhux disponibbli bil-Malti) u tat-12.7.2007 dwar it-tema L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità (l-Istrateġija ta’ Lisbona), relatur is-Sur Greif (ĠU C 256, 27.10.2007); ara wkoll, Ir-rapport dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, COM(2009) 694
(7) Opinjoni tal-KESE tat-22.4.2008 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Lejn Prinċipji Komuni ta’ Flessigurtà: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar permezz tal-flessibbiltà u s-sigurtà”, COM(2007) 359 finali, relatur: is-Sur Janson, korelatur: is-Sur Ardhe (ĠU C 211, 19.8.2008; Opinjoni tal-KESE, 4.11.2009, “L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010”, relatur ġenerali: is-Sur Greif, KESE 1722/2009, Punt 3.4.3.
(8) ĠU C 128, 18.5.2010, p. 3.
(9) Key challenges facing European labour markets: Joint analysis of European Social Partners (2007), p. 61f.
(10) Working poor in Europe, Eurofound-Study 2010
ANNESS
għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Din l-emenda li ma ntlaqgħatx irċeviet mill-inqas kwart tal-voti:
Punt 4.2.2
Ibdel kif ġej:
“Peress li l-kontenut ta’ din il-linja gwida huwa simili għal dak tal-linja gwida 9, ta’ min jikkunsidra l-amalgamazzjoni tat-tnejn sabiex b’hekk tiġi evitata r-repetizzjoni. Min-naħa l-oħra għandha linja gwida partikolari dwar l-kwalità tax-xogħol.”
Raġuni
Evidenti
Ir-riżultat tal-vot:
|
Favur |
: |
58 |
|
Kontra |
: |
73 |
|
Astensjonijiet |
: |
2 |