ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2011.015.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 15

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 54
18ta' Jannar 2011


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

Is-86 sessjoni plenarja fil-5 u s-6 ta’ Ottubru 2010

2011/C 015/01

Riżoluzzjoni dwar Is-Summit dwar il-Klima ta’ Cancún il-kontribuzzjoni tal-KTR għall-UNFCCC (COP 16) tad-29 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru 2010

1

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

Is-86 sessjoni plenarja fil-5 u s-6 ta’ Ottubru 2010

2011/C 015/02

Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika ambjentali tal-ġejjieni

4

2011/C 015/03

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-Istrateġija Ewropa 2020

10

2011/C 015/04

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Inkejlu l-progress lil hinn mill-PDG

17

2011/C 015/05

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-partenarjati pubbliċi privati

23

2011/C 015/06

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għaż-żona ġeografika tal-baħar tat-Tramuntana/Kanal Ingliż

26

2011/C 015/07

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa

34

2011/C 015/08

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-indirizzar tal-problema tal-persuni mingħajr dar

41

2011/C 015/09

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-implimentazzjoni tal-politika Ewropea tal-Viċinat u b’mod partikulari l-inizjattiva tas-sħubija tal-Lvant: il-modernizzazzjoni, ir-riformi u l-kapaċitajiet amministrattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tar-Repubblika tal-Moldova

46

2011/C 015/10

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Ġeorġja u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea

51

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Is-86 sessjoni plenarja fil-5 u s-6 ta’ Ottubru 2010

18.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/1


Riżoluzzjoni dwar “Is-Summit dwar il-Klima ta’ Cancún il-kontribuzzjoni tal-KTR għall-UNFCCC (COP 16) tad-29 ta’ Novembru sal-10 ta’ Diċembru 2010”

2011/C 15/01

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar il-bżonn urġenti li l-UE tagħmel iktar progress fuq l-aġenda tat-tibdil tal-klima globali

1.

Ifakkar fl-impenn tiegħu ddikjarat fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar is-summit ta’ Kopenħagen dwar it-Tibdil fil-Klima, adottata waqt is-Sessjoni Plenarja tal-KtR f’Ġunju 2009.

2.

Isostni mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għal ftehim internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima li għandu l-għan li jillimita t-tisħin globali għal mhux aktar minn 2 gradi Celsius sal-2012;

3.

Jiddispjaċih li minkejja l-attenzjoni li qed tingħata fid-dinja kollha lill-kwistjoni tat-tibdil fil-klima u t-tħassib ambjentali li kien hemm fix-xhur qabel is-Summit ta’ Kopenħagen, il-ftehim li rriżulta naqas milli jilħaq l-aspettattivi għoljin ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati importanti fil-politika dwar it-tibdil fil-klima madwar l-UE, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

4.

Japprova l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġi assigurat ftehim internazzjonalment vinkolanti dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u jsejjaħ lill-UE biex titkellem b’leħen wieħed u determinat fil-UNFCCC COP 16 f’Cancún, b’konformità mal-ispirtu u l-kuntest tat-Trattat ta’ Lisbona, biex b’hekk terġa’ tieħu rwol ta’ tmexxija fin-negozjati internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima;

5.

Jirrikonoxxi li l-objettivi tal-UE dwar it-tibdil fil-klima jistgħu jintlaħqu biss jekk, fuq naħa, tnaqqis futur fl-emissjonijiet jiġi distribwit b’mod ġust mal-komunità internazzjonali kollha, b’konsiderazzjoni dovuta għall-kapaċitajiet u l-punti tat-tluq differenti tal-pajjiżi u r-reġjuni, u fuq in-naħa l-oħra, jiġi stabbilit kunsens globali għal azzjoni deċiżiva appoġġjata minn standards bażiċi komuni għal monitoraġġ, rappurtaġġ u verifika regolari (MRV);

6.

Jirrikonoxxi l-bżonn li jsir iktar progress fl-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, li jibqgħu jiġu stabbiliti objettivi ambizzjużi u li jiġu appoġġjati u promossi s-suċċessi fl-implimentazzjoni tagħhom, b’mod speċjali fil-livell lokali u reġjonali, u jsejjaħ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jadattaw u jsaħħu l-istrateġija tagħhom għal politika dwar il-klima tal-UE f’każ li ma jkun mistenni l-ebda trattat internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima;

7.

Jittama b’mod speċjali li jsir ftehim dwar l-arkitettura neċessarja għal kwistjonijiet bħall-adattament, il-mitigazzjoni, il-finanzjament, it-tnaqqis tal-emissjonijiet mid-deforestazzjoni (REDD), it-tnaqqis fit-trasport internazzjonali bl-ajru u dak marittimu, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ġodda għas-suq tal-karbonju kif ukoll l-appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk li huma l-inqas żviluppati li qed jintlaqtu l-iżjed mit-tibdil fil-klima;

Ir-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

8.

Itenni l-impenn determinat tiegħu għall-objettivi 20-20-20 tal-UE u jħeġġeġ lil-livelli sottonazzjonali kollha tal-gvernijiet fid-dinja biex jinvestu fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iżidu l-għarfien tal-pubbliku, jimmobilizzaw l-appoġġ politiku tal-pubbliku, l-investiment fin-negozju u s-sorsi ta’ finanzjament, u jimmotivaw lill-produtturi u l-konsumaturi biex ibiddlu l-imġieba tagħhom sabiex ikollna iktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u ekonomija li ma tkunx ta’ ħsara għall-klima;

9.

Jenfasizzza li “Patt Territorjali tal-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali dwar l-Istrateġija Ewropa 2020”, kif propost mill-KtR, jista’ jservi ta’ għodda importanti ħafna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima billi l-objettivi ta’ “Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi” jistgħu jintlaħqu b’mod effettiv biss permezz ta’ sħubija mill-qrib bejn il-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali tal-gvern fuq il-bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

10.

Jinsab lest li jgħolli l-mira għal 30 % jekk jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet;

11.

Jinnota li l-Kummissjoni analizzat il-possibilitajiet għat-tnaqqis b’iktar minn 20 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Il-Kumitat jiddispjaċih li fuq il-bażi ta’ dik l-analiżi, il-Kummissjoni tħoss li l-kundizzjonijiet attwali ma jippermettux żjieda unilaterali fl-objettiv tal-UE ta’ tnaqqis ta’ 30 % u li mhijiex, għalissa, taħdem fuq inizjattivi ta’ politika oħrajn;

12.

Jenfasizza l-isforzi tal-bliet u r-reġjuni madwar l-Ewropa li adottaw strateġiji lokali jew reġjonali dwar il-klima u l-enerġija b’objettivi speċifiċi għall-mitigazzjoni tal-klima u li ffirmaw il-Patt tas-Sindki, bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 b’20 % mill-inqas sas-sena 2020.

13.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea biex jinvolvu lill-KtR fil-proċess li jwassal għall-UNFCCC COP 16 f’Cancún, sabiex jiġi żgurat għarfien sħiħ u xieraq tar-rwol li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

Dwar enfasi prijoritarja transsettorjali fir-rigward tat-tħassib dwar it-tibdil fil-klima u l-ekonomija b’użu baxx tal-karbonju

14.

Huwa tal-fehma li l-adattament għall-klima u l-mitigazzjoni tagħha għandhom isiru objettiv espliċitu f’kull qafas ta’ politika tal-UE, inklużi l-politiki tal-iżvilupp ambjentali u rurali tal-UE, il-politiki mmirati lejn li tiġi evitata d-deforestazzjoni, it-trasport, il-bijodiversità, il-ġestjoni tal-iskart u l-ilma, u l-programmi ta’ finanzjament f’oqsma bħall-politika tal-UE ta’ koeżjoni, dik industrijali u agrikola u l-politika tal-UE tal-kooperazzjoni fl-iżvilupp;

15.

Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex iżżomm l-impenn tagħha fir-rigward ta’ pakkett komprensiv tat-trasport u t-tibdil fil-klima u jfakkar li l-inklużjoni tat-trasport bl-ajru u fuq il-baħar f’sistema globali tal-iskambju tal-emissjonijiet tkun pass importanti ’l quddiem biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju; jemmen li dan il-pakkett għandu jqis il-qagħda partikolari tal-gżejjer u tar-reġjuni ultraperiferiċi, li tant huma dipendenti fuq it-trasport bl-ajru u dak marittimu, sabiex jinkiseb bilanċ bejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-ispejjeż enormi li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f’dawn ir-reġjuni;

16.

Huwa tal-fehma li sabiex issir l-iktar reġjun li jirrispetta l-ambjent fid-dinja, l-UE, fuq il-bażi tal-Istrateġija UE 2020 għat-tkabbir sostenibbli, għandha tniedi proġetti speċifiċi li jappoġġjaw il-bidla għal ekonomija b’użu baxx tal-karbonju;

17.

Jaħseb li l-politika tal-enerġija tal-UE trid tipprovdi spinta deċiżiva għall-innovazzjoni fil-qasam tal-użu baxx tal-karbonju u l-effiċjenza enerġetika, biex b’hekk jiġi żgurat li l-innovazzjoni, l-effiċjenza enerġetika u l-użu bikri ta’ teknoloġiji ġodda jikkonsolidaw ir-rwol ta’ tmexxija tal-qasam tan-negozju Ewropew f’setturi ewlenin tal-ekonomija “ħadra”;

18.

Ifakkar li ser ikun hemm bżonn ta’ investiment qawwi fis-setturi tal-industrija, tat-trasport u tad-djar u fil-bini pubbliku u kummerċjali sabiex tiġi ffrankata l-enerġija b’konformità mal-objettivi 20-20-20 tal-UE;

19.

Jemmen li taxxa fuq il-karbonju, jew forma ta’ taxxa diretta fuq l-emissjonijiet, tista’ tkun għodda utli kemm fil-ħolqien ta’ inċentivi għall-użu ta’ inqas enerġija u enerġija aktar nadifa, kif ukoll fil-ġenerazzjoni tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex jitwettqu l-bidliet meħtieġa għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

20.

Għaldaqstant jissuġġerixxi li jinħolqu strumenti ġodda bħala linji prijoritarji fil-Fondi Strutturali jew bħala Fond tal-Investiment fl-Enerġija separat;

21.

Huwa konvint li l-bidla għal ekonomija b’użu baxx tal-karbonju trid issir b’mod soċjalment responsabbli u vijabbli ekonomikament billi jinżammu u jekk ikun hemm bżonn jiġu adattati l-impjiegi attwali, flimkien mal-impjiegi “ħodor” ġodda li huma mistennija li jinħolqu;

22.

Jirrakkomanda sħubijiet strateġiċi bejn il-pubbliku u l-privat bħal alleanzi bejn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, bil-għan li jiġu żviluppati u applikati aktar teknoloġiji b’użu baxx tal-karbonju u jistieden lir-rejġuni u l-bliet jikkonkludu pattijiet lokali ta’ azzjoni rigward il-klima bejn l-imsieħba pubbliċi u privati, li jistabbilixxu miżuri konkreti ta’ azzjoni rigward il-klima sabiex jintlaħaq l-għan 20-20-20;

Nibnu tmexxija globali tal-UE fir-rigward tal-klima: governanza fuq ħafna livelli u s-saħħa baġitarja f’idejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali

23.

Jenfasizza li azzjoni effettiva tal-UE kontra t-tibdil fil-klima tesiġi koordinazzjoni tal-isforzi bejn il-livell governattiv lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew u globali;

24.

Jenfasizza l-importanza li jitqies ir-rwol tal-gvernijiet reġjonali u lokali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. F’dan ir-rigward, u waqt li jiġi applikat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, nenfasizzaw il-bżonn li jitqiesu dawn il-livelli ta’ gvern peress li fost il-poteri tagħhom hemm it-tħejjija ta’ pjani ta’ mitigazzjoni, adattar u attivitajiet oħra fil-livell reġjonali u lokali li huma ta’ importanza kbira fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

25.

Jinnota li billi ż-żoni urbani jipproduċu 75 % tal-emissjonijiet tal-karbonju, il-bliet huma fuq quddiem fil-ġlieda tagħna kontra t-tibdil fil-klima u jirrimarka dwar il-fatt li n-nuqqas ta’ qbil f’Kopenħagen fuq miri vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra jitfa’ fuq spallejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali responsabbiltà partikolarment kbira biex iwettqu azzjoni deċiżiva u urġenti fl-avangwardja tal-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu. Il-Patt tas-Sindki huwa pass importanti fid-direzzjoni t-tajba;

26.

Jenfasizza li l-viżjoni tal-UE dwar sinerġiji tal-ekonomija ħadra u l-politiki dwar it-tibdil fil-klima tista’ tispira l-bqija tad-dinja jekk il-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġi rikonoxxut bis-sħiħ u anke jitqawwa;

27.

Jenfasizza li tali viżjoni għandha tinkludi firxa integrata u innovattiva ta’ miżuri fit-trasport, il-kostruzzjoni u l-ġenerazzjoni tal-enerġija, li jirrappreżentaw rivoluzzjoni industrijali ġdida li tinvolvi d-djar individwali fil-produzzjoni tal-enerġija;

28.

Jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex iniedu mill-ġdid tmexxija fit-tul u kredibbli tal-UE fil-proċess globali tat-tiswir tal-politika dwar it-tibdil fil-klima billi jiġu żviluppati u msaħħa l-ħiliet, il-kapaċitajiet u l-istituzzjonijiet lokali, sottonazzjonali, nazzjonali jew reġjonali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi dan l-approċċ fir-relazzjonijiet tagħha mal-imsieħba globali;

29.

Għandu fiduċja qawwija fil-potenzjal tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej biex jikkontribwixxu għat-tmexxija globali tal-UE li bis-saħħa tagħha tagħti eżempju lill-oħrajn biex isegwuha u għaldaqstant jinsab ħerqan biex jaġixxi fuq il-Memorandum ta’ Fehim mal-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti, sabiex jiġi żgurat li l-muniċipalitajiet Ewropej u tal-Istati Uniti jakkwistaw riżultati konkreti fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih;

30.

Jirrakkomanda bil-qawwa li jiġu organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ għall-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar kif għandhom jindirizzaw it-tibdil fil-klima fil-livell l-iktar bażiku, kif ukoll kampanji ta’ tqajjim tal-kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima mmexxija għaċ-ċittadini;

31.

Jirrakkomanda bil-qawwa li ssir enfasi partikulari fuq l-inklużjoni b’mod prijoritarju tat-tibdil fil-klima fil-baġit fil-livelli kollha ta’ governanza, u għal dan il-għan:

a)

itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jridu jingħataw mill-iktar fis possibbli l-għodod Ewropej adatti biex jappoġġjaw l-isforzi lokali u reġjonali fl-indirizzar tal-kwistjoni tat-tibdil fil-klima. Għandhom jiġu adattati l-kundizzjonijiet qafas nazzjonali għall-fondi u l-finanzjament, u l-aċċess għal self mill-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jiġi ffaċilitat;

b)

jinnota li l-kriżi finanzjarja reċenti titfa’ pressjoni addizzjonali fuq il-baġits muniċipali. Għaldaqstant jenfasizza l-utilità ta’ sussidji u inċentivi mfassla sew għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jippromovu l-effiċjenza enerġetika, politiki tal-enerġija sostenibbli, u proġetti tal-enerġija rinnovabbli; isejjaħ għat-tisħiħ tal-programm Enerġija Intelliġenti fl-Ewropa, filwaqt li dan jitfassal aħjar sabiex jissodisfa l-esiġenzi li kulma jmur qed jevolvu tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

c)

għar-reviżjoni baġitarja tal-UE li jmiss, jirrakkomanda li l-isfidi tat-tibdil fil-klima jingħataw prijorità transversali fi ħdan l-iskemi ta’ finanzjament attwali, bħall-fondi strutturali, il-PAK u l-Programmi Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku;

d)

jissuġġerixxi li proporzjon sostanzjali tad-dħul mis-sistema Ewropea ta’ skambju tal-emissjonijiet għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jimplimentaw fil-livell lokali miżuri għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u jissuġġerixxi li l-finanzi mis-suq internazzjonali tal-karbonju jintużaw ukoll biex jiġu appoġġjati proġetti f’pajjiżi li qed jiżviluppaw;

e)

ifakkar fir-rwol importanti li jaqdu l-Fondi Strutturali tal-UE fit-tnaqqis tad-differenzi u biex jippermettu lir-reġjuni li jibbenefikaw mit-trinità ta’ riċerka, innovazzjoni u investiment intelliġenti sabiex jiġu kkoreġuti l-ineffiċjenzi strutturali;

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jsejħu għal involviment u sħubija globali fuq l-aġenda dwar it-tibdil fil-klima

32.

Isejjaħ biex jiġu promossi u żviluppati l-attivitajiet ta’ sħubija tal-Istati Membri tal-UE mal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw, u f’dan il-kuntest iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej biex jibnu fuq l-acquis disponibbli ta’ kooperazzjoni deċentralizzata u jespanduh sabiex jaħdmu ma’ awtoritajiet sottonazzjonali f’dawk ir-reġjuni tad-dinja li għadhom qed jiżviluppaw u sabiex titqajjem kuxjenza, isir skambju tal-aqwa prattika, trasferiment tat-teknoloġija u jiġi żgurat li l-impenji finanzjarji li saru f’Kopenħagen jiġu investiti b’mod effettiv;

33.

Jaħseb li hemm bżonn ta’ konverġenza akbar fil-livelli internazzjonali u nazzjonali fl-isforzi biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità b’mod li jingħata appoġġ reċiproku, biex b’hekk isir l-aħjar użu mill-opportunitajiet fil-proċessi globali li għaddejjin fi ħdan il-Konvenzjonijiet Internazzjonali;

34.

Isejjaħ lill-UE biex tappoġġja l-inklużjoni addizzjonali ta’ approċċi msejsa fl-ekosistema fi ħdan il-finanzjament tal-UNFCCC, inkluż il-programm tan-NU għal Tnaqqis fl-Emissjonijiet mid-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni (REDD/REDD+), biex b’hekk dan il-programm ikun jista’ jitwessa’ iktar biex ikopri mhux biss il-foresti, iżda wkoll ekosistemi oħrajn bħall-artijiet mistagħdra;

35.

Itenni l-impenn tiegħu biex jintlaħaq ftehim internazzjonalment vinkolanti u jinsisti li l-gvernijiet nazzjonali se jkunu jistgħu jilħqu l-miri tagħhom biss bl-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

36.

Jagħti struzzjonijiet lill-president tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Presidenza Belġjana tal-UE, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kif ukoll lill-UNFCCC.

Brussell, 6 ta’ Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

Is-86 sessjoni plenarja fil-5 u s-6 ta’ Ottubru 2010

18.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/4


Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politika ambjentali tal-ġejjieni”

2011/C 15/02

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom rwol akbar fit-tfassil tal-politika ambjentali tal-UE peress li l-involviment tagħhom jiggarantixxi implimentazzjoni u sjieda aħjar. Il-metodi innovattivi ta' governanza f’diversi livelli, inkluż l-użu ta' netwerks u pjattaformi eżistenti, ser jippromovu l-impenn proattiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-Patt tas-Sindki jista’ jitqies bħala punt ta' riferiment f’dan ir-rigward u l-kunċett tiegħu jista jiġi estiż għal oqsma ewlenin oħra tal-politika ambjentali tal-UE;

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tesplora l-possibbiltà li b’mod konġunt jiġi organizzat forum annwali biex jiġu indirizzati problemi u soluzzjonijiet reġjonali u lokali fl-applikazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE u jistieden lill-Parlament Ewropew biex jinvolvi lill-KtR fid-dibattiti tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali Ewropea;

jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li tiġi rispettata d-distribuzzjoni interna tal-kompetenzi u li jiġu stabbiliti l-proċeduri adatti għall-konsultazzjoni, inkluż it-twaqqif ta' “gruppi ta' traspożizzjoni” magħmula minn esperti mill-amministrazzjoni nazzjonali, ir-reġjuni u l-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali biex dawn jaħdmu flimkien matul il-proċess kollu tal-politika;

jappoġġja qafas ġenerali u vinkolanti dwar spezzjonijiet ambjentali. Id-dettalji tal-forma u l-kontenut tal-ispezzjonijiet għandhom jiġu regolati mill-pajjiż u żviluppati fil-livell lokali u reġjonali, fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-UE u f’livelli aktar baxxi ta' gvern;

jenfasizza li s-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent ser ikun pilastru ewlieni tal-Istrateġija tal-UE għall-2020 u huwa meħtieġ biex jartikola l-implikazzjonijiet tiegħu għall-politika ambjentali. Għandu jistabbilixxi miri u skedi ċari, kif ukoll iżomm strateġija tematika komuni dwar il-ħarsien tal-ħamrija li tinkludi l-għan li tiġi adottata Direttiva Qafas dwar il-Ħamrija.

Relatur

:

Is-Sinjura Paula Baker (UK/ALDE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta' Basingstoke u Deane

Dokument ta' referenza

:

Konsultazzjoni tal-Presidenza Spanjola

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Il-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.   Kummenti ġenerali

1.

japprezza l-fatt li ġie ikkonsultat fil-politika maħsuba biex timplimenta strumenti aħjar għall-ambjent, kif ukoll fil-ħidma lejn is-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent, peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol prinċipali fl-implimentazzjoni tal-politika ambjentali u fil-ksib ta' riżultati tanġibbli;

2.

ifaħħar il-ħidma eċċellenti dwar kwistjonijiet ambjentali li diġà twettqet minn bosta awtoritajiet lokali u reġjonali u jixtieq ikompli jħeġġiġhom;

3.

jifhem li l-applikazzjoni effettiva hija ostakolu. Fl-2008, 23,5 % (481) tal-ksur kollu tal-leġislazzjoni tal-UE kien relatat mal-ambjent (1), li jindika d-dannu kontinwu lill-ambjent u x-xkiel fil-kompetizzjoni;

4.

f’din l-opinjoni qed jimmira li jenfasizza l-opportunitajiet biex tiżdied l-effettività tal-protezzjoni ambjentali fil-livelli kollha ta' governanza u fil-fażijiet kollha tal-iżvilupp ta' politika;

B.   Tissaħħaħ il-koordinazzjoni u l-governanza

5.

jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom rwol akbar fit-tfassil tal-politika ambjentali tal-UE. L-involviment tagħhom jiggarantixxi implimentazzjoni u sjieda aħjar. Il-kunċett tal-KtR tal-governanza f’diversi livelli għandu jiġi applikat għall-politika ambjentali tal-UE u għandha tiġi estiża l-ħidma pilota fuq kuntratti tripartiti bejn l-UE, l-Istati Membri u l-livelli reġjonali jew lokali (2). Dan jippermetti kondiviżjoni ġenwina tar-responsabbiltajiet bejn il-livelli differenti ta' governanza sabiex jinkisbu l-objettivi miftehma;

6.

jemmen li l-metodi innovattivi ta' governanza f’diversi livelli, inkluż l-użu ta' netwerks u pjattaformi eżistenti, ser jippromovu l-impenn proattiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, minflok ma wieħed jiddependi fuq l-infurzar sempliċi tal-liġi tal-UE min-naħa tal-Istati Membri. Hemm bosta eżempji fir-reġjuni u l-bliet Ewropej fejn l-awtoritajiet lokali ħadu azzjoni ambizzjuża f’każi fejn Stat Membru ma kienx qed jaġixxi bħall-Aġenda Lokali 21 li ħarġet mill-Earth Summit tal-1992. Il-Patt tas-Sindki jista’ jitqies bħala punt ta' riferiment f’dan ir-rigward;

7.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex teżamina jekk dan il-kunċett jistax jiġi estiż għal oqsma ewlenin oħra tal-politika ambjentali tal-UE, bħalma huma l-bijodiversità, l-iskart u t-tniġġis tal-ilma, tal-ħsejjes u tal-arja u tal-użu tal-art, billi jittieħed approċċ integrat b’koordinazzjoni intersettorjali;

8.

jiddispjaċih li minkejja li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompiti preċiżi fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali, il-leġislazzjoni ambjentali tal-UE tindirizza lill-Istati Membri u titlob li tinħatar “awtorità kompetenti” waħda biss (rari jissemmew “awtoritajiet”) u ssemmi l-kooperazzjoni biss b’mod eċċezzjonali (3);

9.

jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' enfasi fuq azzjonijiet li jappoġġjaw il-governanza lokali u reġjonali tajba fil-pjani tal-Kummissjoni Ewropea sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-liġijiet ambjentali tal-UE (4);

10.

juri li l-Artikolu 11 tat-Trattat ta' Lisbona jimponi djalogu u konsultazzjoni aktar b’saħħithom mill-istituzzjonijiet Ewropej. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jemmnu li din id-dispożizzjoni ġdida toffri opportunitajiet biex dawn jiżviluppaw ir-rwol tagħhom fit-tfassil tal-politika tal-UE. Barra minn hekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa estiż għal-livelli reġjonali u lokali u l-Artikolu 5 tal-Protokoll tas-Sussidjarjetà jgħid li l-abbozz tal-atti leġislattivi għandhom jinkludu evalwazzjoni tal-impatt finanzjarju u l-implikazzjonijiet tal-proposta sabiex ir-regoli jiddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri, inkluża l-leġislazzjoni reġjonali;

11.

jemmen li l-evalwazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi estiza għal-livell lokali u reġjonali fejn l-analiżi tal-impatt territorjali ssir il-prattika normali;

12.

jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jaffettwa emendi u modifiki għal proposti leġislattivi li għandhom impatt notevoli fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jkunu soġġetti għal evalwazzjoni tal-impatt simili għal dik li ssir mill-proposta inizjali;

13.

jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni ambjentali ta' spiss teħtieġ impenn amministrattiv u finanzjarju sinifikanti u kompetenzi fejn jidħlu l-kontenut u l-ħiliet involuti, kif ukoll impenn politiku. L-identifikazzjoni tal-impatt fuq strutturi istituzzjonali lokali u reġjonali tista’ tgħin biex jiġu ġustifikati aktar inċentivi finanzjarji kif ukoll l-appoġġ Ewropew u nazzjonali meħtieġ;

14.

jemmen li huwa indispensabbli li l-Kummissjoni Ewropea jkollha strumenti komuni biex tipprovdi riżorsi suffiċjenti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-għan li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti;

15.

jinsisti li tinħtieġ komunikazzjoni aħjar fil-livelli kollha ta' governanza waqt il-fażijiet kollha tal-iżvilupp tal-politika, inkluż l-investiment f’sistemi ta' informazzjoni u għodod tal-internet li jagħmlu l-informazzjoni ambjentali trasparenti għall-pubbliku u l-istituzzjonijiet pubbliċi. Il-pressjoni fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jitħejjew rapporti tista’ titnaqqas permezz tal-ICT mingħajr ma jiġi affettwat l-impatt tal-leġislazzjoni;

16.

jissuġġerixxi li l-ministri nazjonali għall-ambjent għandhom iwaqqfu “gruppi ta' ħidma” vertikali magħmula minn esperti mill-amministrazzjoni nazzjonali, ir-reġjuni u l-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali biex dawn jaħdmu flimkien matul il-proċess kollu tal-politika;

17.

jixtieq li jara promozzjoni intensa tal-Programm LIFE+ tal-UE fir-reġjuni kollha tal-Ewropa sabiex tingħata spinta ’l quddiem lill-azzjonijiet innovattivi lokali, u biex jiżdiedu l-impatt u l-viżibbiltà tal-komponent tal-Politika Ambjentali u l-Governanza ta' dan il-programm;

18.

jilqa’ s-suġġeriment tal-Kummissjoni Ewropea li jiġu stabbiliti netwerks permanenti ta' implimentazzjoni li jinvolvu persunal mill-Kummissjoni Ewropea u punti ta' kuntatt fl-Istati Membri (5). Il-punti ta' kuntatt fl-Istati Membri għandhom jiġu appoġġjati minn gruppi ta' implimentazzjoni nazzjonali li jinvolvu amministraturi lokali u reġjonali;

19.

iħeġġeġ biex mingħajr aktar dewmien ikun hemm segwitu fil-Kunsill tal-proposta għal Direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, approvata mill-Parlament Ewropew fl-2004. Din ser timplimenta bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta' Aarhus u tikkontribwixxi biex ikun hemm infurzar aħjar u aktar konsistenti tal-liġi ambjentali;

20.

iħeġġeġ li jkun hemm skambju ta' għarfien bejn is-sistemi ġudizzjarji li jittrattaw każijiet ta' ksur u ta' nonkonformità tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE;

21.

jappoġġja s-sejħa tal-Parlament Ewropew għal qafas ġenerali u vinkolanti dwar spezzjonijiet ambjentali, il-ħolqien ta' forza ta' spezzjoni ambjentali tal-UE, kif ukoll it-tisħiħ tan-Network Ewropew għall-Implementazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi tal-Ambjent (IMPEL) (6). Strument vinkolanti għall-ispezzjonijiet jista’ jnaqqas il-kompetizzjoni inġusta bejn ir-reġjuni u l-bliet tal-UE minħabba skemi differenti ta' spezzjoni, kif ukoll jiżgura azzjoni legali standardizzata. Madankollu, id-dettalji tal-forma u l-kontenut tal-ispezzjonijiet għandhom jiġu regolati mill-pajjiż u żviluppati fil-livell lokali u reġjonali, fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali stabbiliti mill-UE u f’livelli aktar baxxi ta' gvern;

22.

itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu għal netwerk IMPEL estiż għal-livelli lokali u reġjonali fl-Istati Membri kollha li jkun jista’ jinkludi l-iżvilupp ta' netwerks nazzjonali IMPEL b’saħħithom li jiddisseminaw fil-wisa’ r-riżultati IMPEL (7);

C.   Jiġu stabbiliti rabtiet aktar effettivi bejn il-politiki

23.

jilqa’ l-ħidma reċenti bejn DĠ REGIO u d-DĠ ENV biex ikun żgurat li l-azzjonijiet tad-DĠ REGIO jirrispettaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti ambjentali u jemmen li din il-koerenza hija meħtieġa madwar id-dipartimenti kollha. L-aġenda ħolistika mniżżla fl-istrateġija tal-UE għall-2020 ġiet milqugħa, iżda din teħtieġ dimensjoni territorjali b’saħħitha;

24.

jinsisti li l-koerenza tal-politika u l-impatti ambjentali għandhom jitqiesu fir-reviżjoni tal-baġit tal-UE għall-perijodu ta' wara l-2013 u tal-fondi kollha tal-UE għall-koeżjoni u l-agrikoltura;

25.

jenfasizza li jeżistu kontradizzjonijiet mhux intenzjonali bejn l-elementi differenti tal-leġislazzjoni ambjentali. Pereżempju, l-imminimizzar tal-iskart għandu jiġi regolat kemm fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart kif ukoll fid-Direttiva dwar il-Prodotti. Is-semplifikazzjoni għal leġislazzjoni ċara, mhux ambigwa u li tiffoka fuq ir-riżultat ser tagħmel ir-regolamenti aktar immirati, kif ukoll aċċettati u applikati aħjar;

26.

jenfasizza li l-Kummissjoni Ewropea għandha tikkonsulta l-awtoritajiet lokali u reġjonali meta tkun qed tfassal jew tirrevedi leġislazzjoni Ewropea. L-esperjenza prezzjuża tagħhom tista’ tgħin biex jiġu identifikati minn kmieni kwalunkwe inkonsistenza ma' politika oħra jew l-impatti negattivi, kif ukoll biex tiżdied l-effettività tal-leġislazzjoni;

27.

ifittex li jkun hemm trattib tar-regoli fuq ix-xkiel tas-suq fejn dawn huma ta' ostoklu għall-akwist pubbliku ekoloġiku;

28.

jinsisti li leġislazzjoni li tindirizza s-sors ta' impatt ambjentali hija kruċjali biex jinkisbu l-objettivi ambjentali u jkunu żgurati l-obbligi ta' konsistenza fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Pereżempju, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jistgħux jinfluwenzaw l-istandards tal-emissjonijiet tal-vetturi iżda jridu jissodisfaw il-miri tal-kwalità tal-arja tal-UE;

29.

jippromovi l-użu ta' strumenti bbażati fuq mekkaniżmi tas-suq li jirriflettu l-ispiża sħiħa ta' prodott jew servizz, li jrendu viżibbli għall-konsumatur l-impatti ambjentali tal-ħajja tal-prodott jew is-servizz fil-ħin li qed jinxtraw, kif ukoll jenfasizzaw ir-responsabbiltà tal-produttur;

D.   Kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jwettqu aktar ħidma fil-qasam ambjentali

Kwistjonijiet ta' governanza

30.

jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li tiġi rispettata d-distribuzzjoni tal-kompetenzi fil-livell nazzjonali u li jiġu stabbiliti l-proċeduri adatti għall-konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Kollaborazzjoni tajba, b’mod partikolari permezz ta' “gruppi ta' traspożizzjoni” magħmula minn amministratturi nazzjonali, reġjonali u lokali tappoġġja l-fehim reċiproku u l-implimentazzjoni b’suċċess tal-leġislazzjoni (8);

31.

jenfasizza r-rwol prinċipali li jaqdu l-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-ġbir tad-data ambjentali. Sabiex ikun żgurat li r-rapporti u l-indikaturi relatati mal-qagħda tal-ambjent tal-UE huma konsistenti, effettivi u affidabbli, jinħtieġu responsabbiltajiet korretti, riżorsi u flussi ta' informazzjoni bejn il-muniċipalitajiet, ir-reġjuni u l-Istati Membri;

32.

iħeġġeġ it-trasparenza tal-funzjonijiet, b’mod partikolari bejn id-dipartimenti li jinfurzaw il-liġi tal-UE u dawk li jissupplixxu s-servizzi jew l-infrastruttura ambjentali u l-ippjanar tal-ispazju;

L-iskambju tal-informazzjoni

33.

iħeġġeġ lill-ministri u l-aġenziji ambjentali nazzjonali u reġjonali, bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw dokumenti ta' gwida, inklużi proposti speċifiċi għal strumenti, benchmarks u mudelli għall-proċeduri li għandhom jiġu implimentati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali; Fl-istess waqt għandhom jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jagħtu spinta lill-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE li jiffaċċjaw problemi ambjentali komparabbli;

34.

japprova l-valur tal-iskambjar ta' prattika tajba bejn l-awtorità lokali u reġjonali, inklużi l-modi biex jingħelbu l-isfidi tal-aċċess u l-viżibbiltà tal-informazzjoni jew id-differenzi fil-lingwa;

L-impenn u l-involviment taċ-ċittadini

35.

jifraħ lil dawk l-awtoritajiet li jispiraw u jinvolvu liċ-ċittadini biex jiżviluppaw viżjonijiet komuni u fit-tul tal-kwalità tal-ħajja għaż-żoni tagħhom, li jorbtu flimkien kwistjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi;

36.

iħeġġeġ l-appoġġ għall-edukazzjoni u r-riċerka biex jissaħħu r-rabtiet bejn iċ-ċittadini u l-ambjent fejn jgħixu. Iċ-ċittadini mhumiex konxji bis-sħiħ tar-rwol li l-ambjent għandu f’ħajjithom (9). Peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-aktar livell qrib tal-komunitajiet lokali, dawn jistgħu jħeġġu sensibbilizzazzjoni akbar fost iċ-ċittadini ta' kull età;

37.

jemmen li l-awtoritajiet għandhom jintroduċu proċeduri għat-tixrid tal-informazzjoni, preferibbilment permezz tal-internet, u jimplimentaw il-Konvenzjoni ta' Aarhus (10), li tagħti aċċess għall-ġustizzja ambjentali, timpenja lill-pubbliku fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni lokali tal-politika ambjentali tal-UE u tistabbilixxi l-għodod adatti għal demokraziija parteċipattiva u sjieda lokali;

38.

jemmen li d-Direttivi SEA u EIA huma strumenti ewlenin għall-politika ambjentali lokali u reġjonali u l-parteċipazzjoni pubblika (11) sabiex ikun żgurat li jitqies l-għarfien lokali, filwaqt li jitqiesu l-implikazzjonijiet tal-ispejjeż u l-ħiliet;

39.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw mekkaniżmi pubbliċi għall-kontroll ambjentali li jkunu sempliċi u koordinati, li jiffaċilitaw ir-rispett tal-obbligi stabbiliti mil-leġislazzjoni u li jippromovu r-relazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-pubbliku fuq il-bażi tal-prinċipji tal-effettività, it-trasparenza u r-responsabbiltà kondiviża;

Il-finanzi u l-integrazzjoni orizzontali

40.

jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jintegraw l-ambjent fl-oqsma kollha ta' attività, pereżempju billi jiġu appoġġjati negozji ekoloġiċi lokali permezz ta' kapital ta' riskju, investituri informali (business angels) u mikrokrediti, inkluż il-parir dwar l-akkwist ekoloġiku;

41.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu “xerrejja ekoloġiċi”. L-akkwisti pubbliċi jammontaw għal 16 % tal-PDG tal-UE u għandhom jiżguraw l-aħjar valur ambjentali; għaldaqstant, jilqa’ b’sodisfazzjon is-sit elettroniku dwar l-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (http://ec.europa.eu/environment/gpp);

42.

jappoġġja l-użu sħiħ tal-għażliet tal-irkupru tal-ispiża previst mill-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, biex ikun hemm inċentivi għall-iffrankar tal-flus u l-effiċjenza, u l-Artikolu 14 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart sabiex l-ispejjeż ambjentali jsiru viżibbli għall-utent, u jitlob għall-inklużjoni ta' strumenti ekonomiċi simili fil-proposti futuri;

43.

japprova, mingħajr ħsara għas-sistemi eżistenti ta' ppjanar nazzjonali (inkluża l-ġestjoni sostenibbli tat-territorju), l-alinjament mill-qrib tal-ippjanar mal-manifattura u d-distribuzzjoni sabiex jiġu promossi l-iżvilupp b’livell baxx ta' karbonju, il-produzzjoni sostenibbli, l-effiċjenza tar-riżorsi u l-enerġija rinnovabbli bil-għan li jinħolqu impjiegi ekoloġiċi u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli filwaqt li jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa pubblika;

44.

jitlob li, meta fil-ġejjieni jitfasslu politiki fil-qasam tal-ġestjoni tal-ambjent fir-reġjuni konfinali u fiż-żoni li jmissu ma' xulxin bi xmajjar komuni jew ilmijiet oħra fil-fruntiera, isir użu aħjar mill-programmi ta' sħubijiet bħall-Ewroreġjuni fil-livell lokali biex jiġi influwenzat il-pajjiż ġar u biex jitfasslu u jiġu implimentati programmi ta' ħarsien ambjentali komuni;

E.   Kif jista’ jikkontribwixxi l-KtR

Fil-fażi tal-iżvilupp ta' politika

45.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu approċċ aktar proattiv billi tirrikjedi kontribut bikri mill-KtR għat-tfassil ta' politika billi titlob għal opinjonijiet ta' prospettiva;

46.

jimpenja ruħu li jkompli għaddej bil-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni Ewropea fil-valutazzjoni tal-impatt ta' ċerti proposti dwar l-awtoritajiet lokali u reġjonali (valutazzjonijiet tal-impatt territorjali) permezz tan-netwerks speċifiċi tal-KtR, in-Netwerk tal-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà tal-KtR u l-Pjattaforma ta' Monitoraġġ tal-UE 2020;

Kemm fil-fażi tal-iżvilupp ta' politika kif ukoll fil-fażi tat-teħid tad-deċiżjonijiet

47.

jimpenja ruħu li jinkludi l-esperjenza lokali mill-amministraturi lokali u reġjonali fl-abbozzar tal-opinjonijiet tiegħu. Dan jinkludi konsultazzjonijiet immirati tan-netwerks speċifiċi tal-KtR, in-Netwerk tal-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà tal-KtR u l-Pjattaforma ta' Monitoraġġ tal-UE 2020, kif ukoll seduti organizzati mal-assoċjazzjonijiet lokali u reġjonali u ma' partijiet interessati ewlenin;

Fil-fażi tat-teħid ta' deċiżjoni

48.

jenfasizza li t-Trattat ta' Lisbona saħħaħ ir-rwol tal-KtR fit-teħid ta' deċiżjoni dwar il-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima billi introduċa konsultazzoni obbligatorja espliċita tal-KtR; ikompli jilqa’ d-dispożizzjoni tat-Trattat ta' Lisbona għal dritt ta' konsultazzjoni mill-ġdid jekk il-proposta leġislattiva inizjali tiġi modifikata sostanzjalment fil-proċess leġislattiv, billi tippermetti lill-KtR iħejji opinjonijiet riveduti;

49.

jixtieq isaħħaħ il-kooperazzjoni mal-koleġislaturi – il-Parlament Ewropew u l-Kunsill – dwar il-kwistjonijiet ambjentali. Il-Kumitat ENVI tal-Parlament Ewropew jista’ jesplora l-possibbiltà li jinżammu seduti konġunti u jistieden lir-relaturi tal-KtR biex jippreżentaw opinjonijiet ewlenin tal-KtR. L-Istati Membri jistgħu jistiednu lill-KtR biex sistematikament jipparteċipaw fil-laqgħa informali tal-Kunsill tal-ministri għall-ambjent (12);

Fit-titjib tal-implimentazzjoni

50.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tesplora l-possibbiltà li b’mod konġunt jiġi organizzat forum annwali biex jiġu indirizzati problemi u soluzzjonijiet reġjonali u lokali fl-applikazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE f’setturi speċifiċi, bħalma huma l-ilma, il-bijodiversità, l-istorbju, l-arja jew l-iskart;

51.

jistieden lill-Parlament Ewropew biex jinvolvi lill-Kummissjoni ENVE tal-KtR fid-dibattiti speċifiċi tal-Kumitat ENVI mal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali Ewropea;

52.

jissuġġerixxi l-iżvilupp tal-Premju Ewropew għall-Kapitali Ambjentali, u jenfasizza x-xewqa tiegħu li jkun involut fil-ġurija tal-Premju. Għal dan il-għan, jipproponi:

riżorsi baġitarji biex ir-rebbieħa jkunu jistgħu jippromovu l-valur miżjud tal-UE fiċ-ċerimonja tal-premjazzjoni, bħalma jiġri fil-Premju tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura;

jiġu massimizzati l-benefiċċji u l-wirt li dawn il-bliet jesperjenzaw bħala Kapitali Ambjentali Ewropej; inkluż in-netwerking tar-rebbieħa għall-iskambju tal-għarfien u tal-aħjar prattika. Il-KtR jista’ juri l-appoġġ tiegħu billi jipprovdi faċilitajiet u riżorsi għat-tħejjija ta' avvenimenti, jew jirraporta dwar ir-riżultati lill-KtR u lill-Kummissjoni Ewropea;

li l-KtR jorjenta l-avvenimenti Ewropej, il-konferenzi u l-laqgħat tal-Kummissjonijiet tiegħu fil-Kapitali Ambjentali Ewropea rispettiva tas-sena partikolari sabiex jissaħħaħ iktar l-iskambju tal-għarfien espert u tal-aqwa prattika;

li l-Kapitali Ambjentali Ewropej jiġu mħeġġa jerġgħu jirrappurtaw wara xi snin dwar x’sar iktar fil-qasam tal-politika urbana sostenibbli. Għandhom jiġu mistiedna jaqsmu s-suċċessi u l-viżjonijiet ġodda tagħhom ma' bliet u partijiet interessati oħra waqt avvenimenti Ewropej ewlenin;

il-Premju għall-promozzjoni tal-involviment tal-pubbliku fid-demokrazija parteċipattiva u s-sjieda lokali, inkluża d-dimensjoni reġjonali billi tiġi involuta l-parti estrema tal-belt fl-attivitajiet tal-Premju Ewropew għall-Kapitali Ambjentali;

l-irfinar tal-proċess ta' selezzjoni, eż. l-opportunità għall-ġurija li jintervistaw ir-rappreżentanti ta' bliet li ġew minn ta' quddiem kif ukoll li jorganizzaw żjarat fihom;

biex tiżdied il-viżibbiltà tal-Premju, it-tħejjija għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-premju tista’ ssir ukoll b’mod konġunt mal-KtR;

F.   Lejn qafas ta' politika ambjentali futura

Il-ħtieġa għas-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent

53.

jemmen li s-Sitt Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent kien strumentali għall-kisba tal-acquis ambjentali tal-UE s’issa, u li jinħtieġ is-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent;

54.

jenfasizza li s-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent ser isaħħaħ l-istrateġija tal-iżvilupp sostenibbli u ser ikun pilastru ewlieni tal-Istrateġija futura tal-UE għall-2020, li tagħmel referenzi frekwenti għal tkabbir ekoloġiku u u t-transizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta' karbonju u effiċjenti fir-rigward tar-riżorsi. Is-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent huwa meħtieġ biex jartikola x’inhu mifhum b’dawn it-termini u biex jittraduċi l-implikazzjonijiet tagħhom għall-politika ambjentali;

55.

jargumenta li s-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent ser jibbenefika lin-negozji kif ukoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali billi jipprovdi qafas ta' ppjanar strutturat u fit-tul, inkluż dak għal investimenti importanti ta' infrastruttura;

56.

juri li l-politika ambjentali għandha tkun integrata fl-oqsma kollha tal-politika, li ma tistax issir permezz ta' leġislazzjoni dwar kwistjoni speċifika biss;

57.

jibża’ li jekk ma jiġix adottat Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent ieħor malli jiskadi s-sitt wieħed, li kien l-ewwel Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent li jikkostitwixxi strument legali b’deċiżjonijiet vinkolanti, dan il-falliment ser jitqies bħala nuqqas ta' impenn politiku f’qasam li huwa meqjus miċ-ċittadini bħala wieħed importanti ħafna;

Elementi possibbli tas-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent

58.

jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' referenza espliċita għall-Kumitat tar-Reġjuni fis-Sitt Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent u jħeġġeġ biex il-prinċipju tal-governanza f’diversi livelli fir-rigward tal-ambjent isir element importanti tas-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent;

59.

jemmen li s-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent huwa dokument tal-ippjanar strateġiku fit-tul li għandu jistabbilixxi miri u skedi ċari, jimxi minn miri relattivi għal miri assoluti (eż. CO2/per capita) għal tnaqqis ta' pressjonijiet speċifiċi fuq l-ambjent u jartikola riżultati ambjentali ċari bbażati fuq is-SOER 2010 (13);

60.

jinnota li l-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent għandha tqis il-poteri tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll l-iskop politiku u amministrattiv;

61.

jemmen li dan għandu jinkludi reviżjoni fundamentali tal-ġestjoni u l-ġbir tad-data u jiżgura paraguni preċiżi tal-prestazzjoni u fehim aktar sinifikanti tal-aħjar prattika;

62.

jemmen lis-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent għandu jħeġġeġ aktar użu tal-istrumenti tas-suq flimkien mar-regolamentazzjoni. Is-Sitt Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent jippromovi l-użu ta' strumenti ekonomiċi biex titjieb l-effiċjenza fir-rigward tar-riżorsi u jiġi mminimizzat l-impatt ambjentali. Fejn ġie użat dan l-approċċ, tnaqqas il-piż finanzjarju fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali u tjiebet l-implimentazzjoni;

63.

jappella biex, mill-2013, is-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent jipprevedi li r-reġjuni u l-bliet jibbenefikaw b’mod dirett mir-riżorsi finanzjarji ġġenerati mill-iskema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta' serra biex jiffinanzjaw programmi lokali li jiġġieldu t-tibdil fil-klima;

64.

jissuġġerixxi li l-programm il-ġdid ikun iħares sew ’il quddiem, mill-inqas sal-2020, peress li jeħtieġ li nippjanaw issa għall-2050, u li jkun akkumpanjat minn evalwazzjoni u monitoraġġ ta' nofs it-term, kif ukoll minn pjani direzzjonali b’miri intermedji;

65.

jissuġġerixxi approċċ sistematiku dwar l-effiċjenza tar-riżorsi, inklużi miri u skedi speċifiċi għal tnaqqis kwantitattiv assolut fl-użu tar-riżorsi naturali u l-adozzjoni ta' definizzjoni ġdida tal-PDG li jikkunsidra l-impatt ambjentali;

66.

iħeġġeġ bis-sħiħ li jinżammu r-rabtiet bejn l-oqsma ta' politika differenti u li l-objettivi u r-rekwiżiti ambjentali jiġu integrati fis-setturi kollha, pereżempju l-użu tal-art u l-ippjanar urban, il-mobilità urbana, l-agrikoltura, il-foresterija, l-istorbju, it-tniġġis tal-arja u s-saħħa;

67.

iħeġġeġ l-integrazzjoni ta' objettivi ambjentali f’oqsma importanti tal-baġit bħalma huma l-Iżvilupp Rurali u l-Agrikoltura;

68.

jinnota li 75 % tal-popolazzjoni tal-UE jgħixu fi bliet u li dawn jiġġeneraw 75 % tal-emissjonijiet tal-gass b’effett ta' serra, iżda li huma wkoll ċentri ta' edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni. Jeħtieġ li jkun hemm dimensjoni urbana ċara fis-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent kif ukoll mekkaniżmu biex il-bliet jimpenjaw ruħhom u biex dawn jingħataw aktar poteri;

69.

jirrikonoxxi li l-proċessi tad-degradazzjoni tal-ħamrija qed jikkompromettu l-objettivi komuni tal-UE fil-qasam tal-klima, is-sigurtà tal-ikel u l-bijodiversità. Għalhekk, strateġija tematika komuni dwar il-ħarsien tal-ħamrija li tinkludi l-għan li tiġi adottata Direttiva Qafas dwar il-Ħamrija għandha tibqa’ parti mis-Seba’ Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent.

Brussell, 5 ta' Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  COM(2009) 304 finali, is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea “Statistics on environmental infringements” (Statistika dwar il-ksur ambjentali – mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  CdR 89/2009 fin, COM(2002) 709 finali.

(3)  Brussels Environment (IBGE) Study 2010 “The Regional Dimension in EU Environmental Regulations and Directives”, http://www.eapdebate.org/files/files/study-regionaldimension.pdf.

(4)  COM(2008) 773/4

(5)  COM(2008) 773/4.

(6)  Riżoluzzjoni tal-20 ta' Novembru 2008 dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE li tipprovdi kriterji minimi applikabbli għall-ispezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri.

(7)  CdR 36/2001 fin.

(8)  CdR 199/2009 fin, CdR 89/2009 fin, studju tal-EIPA 2009 “The institutional impacts of EU legislation on local and regional governments” (Mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Skont l-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru dwar attitudnijiet pubbliċi fir-rigward tal-ambjent (biodiversity 2010, climate change 2009, environment 2008), ara http://ec.europa.eu/environment/working_en.htm (Mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  Il-Konvenzjoni NU/KEE dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali.

(11)  CdR 38/2010 fin.

(12)  CdR 89/2009 fin.

(13)  Rapport taż-ŻEE dwar il-qagħda ambjentali, mistenni għal Novembru 2010


18.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/10


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-Istrateġija Ewropa 2020”

2011/C 15/03

KONKLUŻJONIJIET TAL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jipparteċipa b'mod strutturat – anke bl-użu tal-għarfien mislut mill-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020 – fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Barra minn hekk, ir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea għas-summit tar-rebbiegħa għandu jipprevedi kapitolu speċifiku dwar il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija;

Fil-futur, il-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' orjentata lejn l-għanijiet tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stabbiliti fit-Trattat dwar l-UE, b'mod partikolari billi tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp fir-reġjuni differenti kif ukoll id-distakk tal-aktar reġjuni żvantaġġati; b'din il-premessa tkun tista' tagħti kontribut attiv għall-implimentazzjoni tal-objettivi ta' Ewropa 2020;

Huwa biss bl-approċċ orizzontali tal-politika ta' koeżjoni li jista' jiġi żgurat li r-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

Dan jista' jinkiseb permezz ta' Patt Territorjali mal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali li jistabbilixxi l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, u li jressaq rakkomandazzjoni għal patti territorjali li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw b'mod strutturat fil-livell tal-Istati Membri skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Relatur Ġenerali

:

Dr. Michael Schneider, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Federali u Ewropej,

Rappreżentant plenipotenzjarju tal-Land ta' Sachsen-Anhalt fl-Istat Federali tal-Ġermanja (DE/PPE)

Dokument ta' referenza

:

Konsultazzjoni mill-Presidenza Belġjana

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti introduttorji

1.

jinnota li bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-Istrateġija Ewropa 2020 ittieħdu deċiżjonijiet importanti biex fil-futur il-politiki tal-UE jkunu orjentati lejn il-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u l-impjiegi;

2.

jenfasizza li, matul id-diskussjonijiet, l-istituzzjonijiet Ewropej qablu fuq l-objettivi ewlenin u l-oqsma prinċipali ta' azzjoni, li fix-xhur li ġejjin għandhom jiġu applikati permezz ta' inizjattivi prominenti u proposti leġislattivi;

3.

jiġbed l-attenzjoni għall-importanza partikolari tal-involviment u l-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tkomplija tat-tfassil tal-istrateġija, kif ukoll tat-tisħiħ tar-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tagħha;

4.

b'rabta ma' dan, jinnota li wieħed mill-fatturi ewlenin biex l-Istrateġija Ewropa 2020 tirnexxi huwa l-użu mmirat tal-potenzjal u r-riżorsi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

5.

jagħmel enfasi fuq il-kontribut importanti li l-politika ta' koeżjoni tal-UE tista' tagħti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

6.

għalhekk, jilqa' l-fatt li l-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-UE talbet lill-Kumitat tar-Reġjuni jfassal opinjoni dwar ir-rwol futur tal-politika ta' koeżjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

7.

ifakkar li fil-passat il-Kumitat tar-Reġjuni ħadem b'mod intensiv fl-orjentament tal-Istrateġija ta' Lisbona u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tagħha, u indirizza wkoll il-kwistjoni tal-orjentament tal-Istrateġija Ewropa 2020;

8.

b'rabta ma' dan, jagħmel referenza għad-dokumenti li ġejjin:

il-White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-gvernanza f'diversi livelli (1), li fiha jintalab l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b'rabta mal-koeżjoni territorjali fil-politiki settorjali tal-UE,

l-Opinjoni dwar il-ġejjieni tal-Istrateġija ta' Lisbona wara l-2010 (2), li fiha jiġi nnutat li l-istrateġija l-ġdida għandha tkun ibbażata fuq l-istrutturi ta' sħubija eżistenti,

l-Opinjoni dwar il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni (3), li fiha jintalab li l-politika ta' koeżjoni tibqa' pilastru ċentrali tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea.

Għanijiet: Ewropa 2020 u l-koeżjoni għandhom bżonn xulxin

9.

jenfasizza li l-punt tat-tluq tal-evalwazzjoni tar-rwol futur tal-politika ta' koeżjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandu jkun il-prinċipji bażiċi tat-trattati u l-għanijiet tal-politiki differenti tal-UE;

10.

f'dan il-kuntest, jinnota li l-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandu jsir fil-qafas tal-għan stabbilit fl-Artikolu 174 TFUE kif ukoll tal-objettiv trasversali tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stabbilit mit-Trattat ta' Lisbona fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

11.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għan tal-politika ta' koeżjoni huwa li ssaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali biex tippromovi l-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni Ewropea u biex tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp fir-reġjuni differenti kif ukoll id-distakk tal-aktar reġjuni żvantaġġati. Hawnhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, liż-żoni bi żvantaġġi ekonomiċi jew milquta mill-bidla industrijali, u liż-żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u fit-tul, bħal pereżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, ir-reġjuni insulari, ir-reġjuni transkonfinali u r-reġjuni muntanjużi; barra minn hekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-isfidi tar-reġjuni tal-UE li ġew identifikati fl-istudju Ewropa 2020, fosthom ir-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll iż-żoni urbani b'subborgi li ħafna drabi huma milquta minn deterjorazzjoni kontinwa u faqar soċjali u ekonomiku li qed ikompli jiżdied; u huwa tal-fehma li fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandhom jiġu kkunsidrati wkoll ir-reġjuni ultraperiferiċi, b'konformità mal-Artikolu 349 tat-TFUE;

12.

jinnota li l-Fondi Strutturali tal-UE kkontribwixxew b'mod konsiderevoli għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona iżda jiddispjaċih li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma ġewx involuti biżżejjed fl-applikazzjoni tagħha;

13.

għaldaqstant jappoġġja l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010, li fihom il-Kunsill Ewropew jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif ukoll tal-iżvilupp tal-infrastruttura sabiex jingħata kontribut għas-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020, iżda jiddispjaċih li dawn il-konklużjonijiet ma jagħtux l-importanza li jistħoqqilha lid-dimensjoni reġjonali;

14.

jagħmel referenza għall-konklużjonijiet tar-Rapport ta' Kok dwar in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona, u b'hekk jindika l-ħtieġa li tinħoloq kundizzjoni importanti għas-suċċess tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 permezz tal-parteċipazzjoni attiva tal-awtoritajiet fil-livell lokali;

15.

għalhekk jemmen li l-aspetti li ġejjin huma kundizzjonijiet importanti biex l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 tirnexxi:

l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu involuti minn kmieni u b'mod komprensiv sabiex l-atturi jkunu jistgħu jidentifikaw ruħhom mal-objettivi, il-kontenut u l-miżuri tal-Istrateġija Ewropa 2020,

l-Istrateġija Ewropa 2020 għandha tkun tista' tuża l-potenzjal ta' żvilupp tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha,

l-Istrateġija Ewropa 2020, li tfasslet b'mod tematiku, għandha tintrabat mal-approċċ orizzontali tal-politika ta' koeżjoni sabiex ikun hemm parteċipazzjoni komprensiva u impatt pożittiv fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha.

16.

iwissi madankollu li l-politika ta' koeżjoni m'għandhiex titgħabba b'piż amministrattiv ikbar minħabba obbligi oħra li jsir rapport, li jmorru lil hinn mill-proċeduri attwali;

17.

jenfasizza li fil-qalba tal-politika ta' koeżjoni għandu jkun hemm, anke fil-futur, l-istrateġiji flessibbli u adattati għal-livell lokali u reġjonali, li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 billi jindirizzaw l-eżiġenzi ta' żvilupp differenti ħafna li jkollhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

18.

itenni l-oppożizzjoni tiegħu għall-proposta li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tat-12 ta' Mejju 2010 dwar it-tisħiħ tal-governanza ekonomika li jiġu sospiżi l-Fondi Strutturali għall-Istati Membri li huma soġġetti għal proċedura ta' defiċit eċċessiv, u jagħmel referenza għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2010 (4);

19.

ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hija wkoll marbuta mill-qrib mas-servizzi ta' interess ġenerali peress li ż-żewġ politiki għandhom l-għan li, b'mod trasversali, isaħħu s-suq intern u l-koeżjoni fl-Ewropa. Għaldaqstant jemmen li s-servizzi ta' interess ġenerali, li huma importanti ħafna għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, għandhom jiġu enfasizzati fl-Istrateġija Ewropa 2020. Kif jirrakkomanda r-Rapport ta' Monti dwar l-istrateġija ġdida għas-suq intern (Mejju 2010), il-finanzjament tal-infrastrutturi tas-servizzi ta' interess ġenerali u s-servizzi relatati mal-inklużjoni soċjali b'mod partikolari għandhom jiġu identifikati bħala objettivi politiċi tal-istrateġija futura għat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea;

20.

jemmen li huwa kompitu ċentrali u valur miżjud essenzjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 li tindirizza r-riformi strutturali meħtieġa fl-Ewropa, inklużi l-istituzzjonijiet tal-UE, sabiex jissaħħu t-tkabbir sostenibbli, l-innovazzjoni u l-impjiegi. Ir-riformi strutturali huma importanti ħafna wkoll biex l-applikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni tirnexxi;

21.

ma jaqbilx mal-miżuri li jillimitaw l-azzjoni prinċipali tal-applikazzjoni tal-Fondi Strutturali għad-diffikultajiet strutturali identifikati fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020, jekk dawn ma jikkorrispondux fl-istess ħin mal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni (kundizzjonalità tal-kontenut);

22.

madankollu, jemmen li huwa possibbli li fil-kuntest ta' djalogu ta' sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandu jibda minn kmieni qabel il-programmazzjoni li jmiss tal-Fondi Strutturali, u fejn ikun hemm bżonn, fuq bażi kuntrattwali, bħal fil-każ tal-patti territorjali proposti mill-KtR, jiġu stabbiliti objettivi u kundizzjonijiet qafas komuni għall-applikazzjoni futura tal-Fondi Struttrali, li mbagħad isiru vinkolanti għall-partijiet involuti kollha u b'hekk ikunu jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-kundizzjonalità makroekonomika.

Il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-implimentazzjoni tat-tliet prijoritajiet: tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli

23.

jilqa' l-orjentament fundamentali tal-Istrateġija Ewropa 2020 lejn l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-impjiegi, u jappoġġja t-tisħiħ tal-inklużjoni tad-dimensjoni soċjali u ekoloġika;

24.

jemmen li dan jesprimi fehim komprensiv, li skontu l-kompetittività għandha tkun imsejsa fuq is-sostenibbiltà u koeżjoni soċjali u territorjali msaħħa;

25.

jinnota li fil-passat il-politika ta' koeżjoni diġà tat kontribut importanti għat-tisħiħ tat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tal-Unjoni Ewropea, li issa fl-Istrateġija Ewropa 2020 jaqdi rwol ċentrali.

Il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-implimentazzjoni tal-objettivi

26.

jenfasizza li l-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni – fil-qafas tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni stabbiliti fit-Trattat – jistgħu jagħtu kontribut importanti biex jintlaħqu l-objettivi ta' Ewropa 2020. Jemmen li huwa essenzjali li jinżamm bilanċ bejn il-kompiti tradizzjonali (li għadhom attwali) ta' din il-politika u l-isfidi strateġiċi ġodda li qed tiffaċċja l-UE kollha. Dan il-bilanċ jista' jinħoloq billi, fost affarijiet oħra, jinżamm l-istatus speċjali tar-reġjuni ta' konverġenza;

27.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-objettivi tal-Istrateġija futura Ewropa 2020, b'mod partikolari fil-kuntest tal-mezzi finanzjarji li qed isiru aktar skarsi, mhumiex orjentati l-aktar lejn l-użu kwantitattiv tar-riżorsi tal-baġit, u jemmen li l-implimentazzjoni b'suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 tiddependi ħafna mit-tip u l-kwalità tal-istrumenti użati u minn kemm ikun faċli għall-utent biex jużahom. Għaldaqstant jinnota li huwa leġittimu li tiġi mmirata l-integrazzjoni massima tal-istrumenti finanzjarji eżistenti kollha tal-UE. Dan japplika partikolarment għal dawk l-istrumenti li fil-fatt iservu biex jipprovdu fondi għal proġetti ta' natura simili (pereżempju, il-FEŻR u l-FAEŻR b'rabta mal-iżvilupp taż-żoni rurali);

28.

jemmen li hemm bżonn li jkomplu jiġu żviluppati l-istrumenti ta' finanzjament innovattivi fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni, bħal pereżempju r-revolving funds, sabiex b'hekk ikompli jittejjeb ukoll l-effett ta' lieva tal-politika ta' koeżjoni għall-implimentazzjoni tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

29.

fir-rigward tal-objettiv tal-impjiegi (jiġifieri li r-rata ta' impjieg tiżdied għal 75 % tal-persuni bejn l-20 u l-64 sena fl-Unjoni Ewropea), jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-qafas tal-programm attwali tal-Fondi Strutturali ġew allokati madwar EUR 14-il biljun għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-intrapriżi u l-impjegati sabiex tiġi antiċipata u indirizzata l-bidla. Minn dan l-ammont, madwar EUR 9,4 biljun huma previsti biex jgħinu lill-intrapriżi jintroduċu miżuri effikaċi għall-iżvilupp tal-impjegati;

30.

jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-interazzjoni bejn il-fondi b'dimensjoni lokali u reġjonali u b'mod speċifiku bejn il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali sabiex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta' impjieg u/jew iżidu l-kapaċità għall-impjieg permezz ta' miżuri relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ;

31.

għaldaqstant, jappoġġja l-proposta għall-ħolqien ta' qafas Ewropew strateġiku komuni li jiġbor fih il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għas-Sajd (FES); iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura kollaborazzjoni bejn il-FEŻR u l-FSE fil-perijodu ta' finanzjament li jmiss permezz ta' regolament qafas komuni għall-politika ta' koeżjoni;

32.

fir-rigward tal-objettiv tar-riċerka (jiġifieri li n-nefqa tar-riċerka u l-iżvilupp fl-Unjoni Ewropea tiżdied għal 3 % tal-PDG), jenfasizza l-fatt li, skont id-data tal-Kummissjoni, fil-perijodu ta' finanzjament attwali, EUR 86 biljun jew 25 % tar-riżorsi tal-koeżjoni ntużaw għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u b'hekk dawn ir-riżorsi marru għall-iżvilupp u t-tisħiħ tar-riċerka fir-reġjuni Ewropej;

33.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li politika ta' għajnuna mmirata lejn l-awtoritajiet reġjonali u muniċipali, kif inhi fil-politika ta' koeżjoni, tista' tiżgura, flimkien mal-promozzjoni tal-eċċellenza Ewropea, li l-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea tiżviluppa l-effett wiesa' meħtieġ biex l-Istrateġija Ewropa 2020 tirnexxi;

34.

jemmen li fir-rigward tal-objettiv tal-klima u l-enerġija (jiġifieri li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, jiżdied il-proporzjon tal-enerġija rinnovabbli u tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija b'20 % fit-tliet każi), it-titjib tal-kwalità tal-ambjent fil-programmi tal-Fondi Strutturali fl-Istati Membri kollha għandu jkompli jitqies bħala prijorità, u jinnota li fil-perijodu ta' finanzjament attwali ġew iddedikati madwar terz tar-riżorsi kollha tal-koeżjoni (EUR 105 biljun); barra minn hekk jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ħolqien ta' strumenti finanzjarji ġodda fil-qasam tal-politika dwar il-klima fil-livell internazzjonali m'għandux iwassal għal tnaqqis tal-fondi għall-politika ta' koeżjoni; u jtenni t-talba tiegħu li l-investiment m'għandux jikkawża emissjonijiet addizzjonali tal-gassijiet b'effett ta' serra;

35.

jinnota li minn dawn ir-riżorsi madwar EUR 48 biljun jikkontribwixxu għall-miżuri f'oqsma differenti li jikkonċernaw l-isfidi tat-tibdil fil-klima, bħall-miżuri tal-protezzjoni u tal-adattament. Fosthom hemm ukoll l-investimenti u l-promozzjoni tas-sorsi tal-enerġija li huma aktar effiċjenti u rinnovabbli (EUR 9 biljun), kif ukoll il-miżuri indiretti bħall-proġetti sostenibbli għat-traffiku urban (EUR 6,2 biljun);

36.

fir-rigward tal-objettiv tal-edukazzjoni (jiġifieri li titnaqqas ir-rata tal-persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien u li l-proporzjon tal-popolazzjoni bejn it-30 u l-34 sena b'edukazzjoni terzjarja jew kwalifika ekwivalenti jiżdied għal 40 %), jinnota li matul il-perijodu ta' finanzjament attwali l-politika ta' koeżjoni diġà qed tagħti kontribut importanti f'ħafna programmi operattivi għat-tnaqqis tal-persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien; f'dan il-kuntest għandhom jiġu kkunsidrati l-isfidi partikolari involuti fil-ksib u ż-żamma tal-istituzzjonijiet edukattivi fiż-żoni b'densità ta' popolazzjoni baxxa;

37.

però jenfasizza wkoll li l-kompetenzi tal-Unjoni f'dan il-qasam huma limitati u li l-Istati Membri jridu jiggarantixxu finanzjament u kompetenza tat-teħid tad-deċiżjoni suffiċjenti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll jistabbilixxu l-objettivi nazzjonali tagħhom skont is-sitwazzjoni inizjali rispettiva u l-kundizzjonijiet nazzjonali, filwaqt li jqisu dawn l-objettivi ewlenin;

38.

fir-rigward tal-objettiv tal-faqar (jiġifieri li l-għadd ta' nies foqra jew li huma mhedda mill-faqar jitnaqqas b'20 miljun fl-Unjoni Ewropea), huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni, fil-kuntest tal-orjentament tagħha lejn it-tkabbir u l-impjiegi, tista' tagħti kontribut għall-ġlieda kontra l-faqar fl-Unjoni Ewropea, speċjalment permezz tal-promozzjoni ta' proġetti lokali u reġjonali għall-integrazzjoni u l-impjiegi; fil-programmi l-ġodda ġew allokati madwar EUR 19-il biljun biex jitneħħew l-ostakli għall-impjiegi, speċjalment fil-każ tan-nisa, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-ħaddiema bi ftit kwalifiki;

39.

jinnota li skont id-data tal-Kummissjoni Ewropea, il-programmi attwali tal-FSE 2007 u 2008 diġà laħqu sitt miljun persuna, li 52 % minnhom huma nisa. Madwar terz tal-miżuri kienu ffokati fuq l-appoġġ għall-ħaddiema. Miżuri oħra kienu mmirati lejn il-persuni qiegħda (33 % tal-benefiċjarji, li 7 % minnhom huma persuni li ilhom żmien twil qiegħda) kif ukoll lejn il-persuni partikolarment żvantaġġati, bħall-migranti u l-minoranzi (13 %);

40.

iżda f'dan il-kuntest jinnota li skont l-Artikolu 153 TFUE, l-Unjoni Ewropea tista' biss issostni u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri f'dan il-qasam;

41.

jenfasizza l-ħtieġa li l-Fondi Strutturali jkunu jistgħu jintużaw biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa;

Il-kontribut tal-politika ta' koeżjoni għall-inizjattivi prominenti

42.

jinnota li l-inizjattivi prominenti previsti fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandhom għanijiet essenzjalment tematiċi u/jew settorjali, li jkopru wkoll però partijiet kbar mill-politika ta' koeżjoni;

43.

jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni diġà rreferiet għall-kontribut tal-Fondi Strutturali għall-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-inizjattivi prominenti, u tikkunsidra li l-politika ta' koeżjoni u l-Fondi Strutturali huma katalisti importanti għat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE;

44.

jenfasizza l-ħtieġa li l-miżuri msemmija fil-kuntest tal-inizjattivi prominenti tal-Istrateġija Ewropa 2020 ikunu kkoordinati mal-proċessi u l-miżuri li diġà jeżistu, sabiex tiġi garantita t-trasparenza u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-proċessi u l-obbligu li jsir rapport;

45.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex, fil-qafas tal-iżvilupp tal-inizjattivi prominenti, tadotta approċċ integrat bejn l-istrumenti Ewropej differenti ta' finanzjament, u tiżgura li hawnhekk jiġi kkunsidrat u, fejn ikun possibbli u meħtieġ, żviluppat aktar l-approċċ deċentralizzat tal-politika ta' koeżjoni;

46.

jenfasizza t-talba li diġà ressaq fl-Opinjoni dwar il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni li l-inizjattivi prominenti proposti ma jwasslux għal-limitazzjoni tal-politika ta' koeżjoni Ewropea. Il-Fondi Strutturali għandhom jibqgħu mezz ta' kif tinstab soluzzjoni integrata tal-problemi fil-livell reġjonali u m'għandhomx sempliċement isiru mezz li jissodisfa l-kundizzjonijiet settorjali;

47.

fir-rigward tal-inizjattiva prominenti tal-aġenda diġitali, jinnota li speċjalment fil-każ tal-aċċess wiesa' għan-netwerks broadband fiż-żoni rurali jew fil-każ tal-iżvilupp ta' servizzi ġodda biex jiġi indirizzat it-tibdil demografiku, jeżistu rabtiet stretti bejn l-aġenda diġitali u l-applikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni;

48.

fir-rigward tal-inizjattiva prominenti tal-Unjoni ta' Innovazzjoni, jemmen li l-ħidma u l-kompiti jistgħu jinqasmu aħjar bejn il-promozzjoni tar-riċerka bażika orjentata lejn l-eċċellenza u r-riċerka applikata fil-livell Ewropew, u l-promozzjoni tal-innovazzjoni fil-livell deċentralizzat, sabiex jiġi żviluppat l-effett wiesa' meħtieġ;

49.

f'dan il-kuntest jagħmel referenza għall-miżuri tal-politika ta' koeżjoni għall-bini ta' sistemi tal-innovazzjoni reġjonali, l-istrumenti tal-kooperazzjoni territorjali, il-provvista ta' kapital ta' riskju u l-miżuri għall-introduzzjoni aktar rapida ta' prodotti innovattivi u għan-netwerking tal-atturi kkonċernati mill-oqsma tal-ekonomija, ix-xjenza u l-amministrazzjoni;

50.

jitlob li jissaħħaħ it-tqassim komplementari tar-rwoli bejn l-istrumenti tal-UE fil-każ tal-miżuri deċentralizzati għall-promozzjoni tal-innovazzjoni, aktar u aktar billi l-promozzjoni tal-innovazzjoni llum il-ġurnata diġà hija element ċentrali tal-programmi tal-Fondi Strutturali tal-UE;

51.

fir-rigward tal-inizjattiva prominenti tal-iffrankar tar-riżorsi, jilqa' l-għan li fil-futur il-konsum tar-riżorsi ma jibqax marbut mat-tkabbir, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandu jiġi adottat approċċ deċentralizzat fir-rigward ta' dawk il-politiki għal azzjoni bl-akbar involviment tal-Fondi Strutturali, biex l-inizjattiva tkun aktar effettiva, speċjalment għar-rinnovazzjoni tal-enerġija, is-sorsi alternattivi tal-enerġija, il-promozzjoni tar-riċiklaġġ u l-iżvilupp ta' sistemi tat-trasport sostenibbli;

52.

jagħmilha ċara li d-diversi miżuri individwali f'dan il-qasam għandhom jirrispettaw b'attenzjoni d-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Barra minn dan għandha tingħata aktar attenzjoni għall-effiċjenza tad-diversi miżuri applikati;

53.

fir-rigward tal-inizjattiva prominenti tal-politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni, jenfasizza li l-politika ta' koeżjoni tagħti kontribut importanti għat-tisħiħ tal-kompetittività permezz tal-isfruttament tal-potenzjal għall-iżvilupp industrijali b'mod speċjali fir-reġjuni aktar dgħajfa, permezz tal-promozzjoni tal-inizjattivi tal-clusters, permezz tal-miżuri għall-promozzjoni tal-SMEs, permezz tal-iżvilupp ta' infrastruttura ekonomika jew permezz tal-appoġġ fid-diversifikazzjoni tas-siti industrijali;

54.

fir-rigward tal-inizjattiva prominenti tal-ħiliet u l-impjiegi ġodda, jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-ġenerazzjoni żagħżugħa fid-dinja tal-edukazzjoni u tax-xogħol, u jappoġġja l-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti u l-apprendisti kif ukoll il-miżuri ta' appoġġ għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

55.

jiġbed l-attenzjoni għall-każi fejn il-ħidma tikkoinċidi b'mod konsiderevoli mal-oqsma ta' applikazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew, u jappoġġja t-talba li dawn l-objettivi jintrabtu aħjar mal-istrumenti ta' finanzjament Ewropej korrispondenti.

Is-sistema ta' gvernanza tal-politika ta' koeżjoni tista' tagħti kontribut importanti biex l- Istrateġija Ewropa 2020 tiġi implimentata b'suċċess

56.

jinnota li s-sistema b'diversi livelli tal-politika strutturali, li matul l-aħħar snin ħalliet il-frott, tista', b'parteċipazzjoni sostanzjali min-naħa tal-atturi lokali u reġjonali u b'kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni lokali, tagħti kontribut importanti biex l-Istrateġija Ewropa 2020 tiġi implimentata b'suċċess;

57.

jenfasizza li għal dan il-għan għandhom jinżammu jew jiġu żviluppati l-elementi tal-politika ta' koeżjoni li ġejjin:

il-programmazzjoni multiannwali,

il-ġestjoni kondiviża tar-riżorsi u l-kofinanzjament,

l-applikazzjoni wiesgħa tal-politika strutturali fir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea,

il-programmazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi fuq il-bażi ta' indikaturi li ma jkunux limitati għall-PDG, bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali,

l-implimentazzjoni deċentralizzata,

il-parteċipazzjoni tal-atturi lokali b'konformità mal-prinċipju tas-sħubija tal-Fondi Strutturali,

l-applikazzjoni flessibbli fir-reġjuni tal-prijoritajiet fil-livell Ewropew,

il-kooperazzjoni territorjali;

58.

jikkonferma l-fehma li l-orjentament tal-politika ta' koeżjoni lejn it-tkabbir u l-impjiegi jmur fid-direzzjoni t-tajba u ma jara l-ebda bżonn għaliex l-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali għandha tkun aktar stretta. F'dan il-kuntest, l-istrateġiji adattati għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali li jqisu d-differenzi fil-livell ta' żvilupp għandhom ikomplu jsawru l-bażi tal-politika ta' koeżjoni;

59.

iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej biex fl-implimentazzjoni rapida tal-Istrateġija Ewropa 2020 u r-rabtiet tagħha mal-politika ta' koeżjoni jiggarantixxu l-possibbiltajiet ta' parteċipazzjoni demokratika u adegwata tal-korpi kompetenti, billi pereżempju jitħalla biżżejjed ħin għall-konsultazzjoni u l-iżvilupp ta' opinjoni fil-livelli kollha u billi l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet jibqgħu trasparenti u jinfiehmu.

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020

60.

jemmen li l-koeżjoni territorjali stabbilita fit-trattat għandha sservi ta' prinċipju ta' gwida għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 u ta' kull politika oħra tal-UE. Il-prinċipju tal-governanza f'diversi livelli għandu jiġi applikat fil-fażijiet kollha tal-implimentazzjoni tal-istrateġija;

61.

però jara wkoll il-ħtieġa li fejn ikun hemm bżonn jissaħħu b'mod sostanzjali l-kapaċitajiet amministrattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex dawn ikunu jistgħu wkoll jassumu r-rwol tagħhom fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020;

62.

għalhekk iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jiftiehmu dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-qafas ta' Patt Territorjali mal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali u fih għandhom jiddeskrivu r-rwol tal-inizjattivi prominenti fil-livell lokali; rakkomandazzjoni għal patti territorjali fil-livell tal-Istati Membri għandha tippermetti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw b'mod strutturat skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom u b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

63.

jissuġġerixxi li l-politika Ewropea ta' koeżjoni tintuża bħala strument ċentrali għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 bħala parti minn dan il-patt territorjali. Fiż-żoni kollha li jirċievu l-għajnuna fil-qafas tal-politika Ewropea ta' koeżjoni għandu jkun possibbli li l-atturi rilevanti fil-livell lokali jiġu mħeġġa, permezz tal-“patti territorjali”, jilħqu l-prijoritajiet u l-objettivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020;

64.

huwa favur li, fil-kuntest tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni, jiġu previsti regoli addizzjonali li bis-saħħa tagħhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jagħtu kontribut attiv, fil-qafas tal-programmi operattivi tagħhom, sabiex jintlaħqu l-prijoritajiet tat-tkabbir u l-objettivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020;

65.

jissuġġerixxi li, fil-kuntest tal-objettiv tal-“kooperazzjoni territorjali Ewropea”, jiġu organizzati l-iskambji tal-esperjenzi u l-bini ta' netwerks bejn l-awtoritajiet reġjonali u muniċipali sabiex jintlaħqu l-prijoritajiet u l-objettivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020, u għal dan il-għan, jekk ikun hemm bżonn, għandu jintuża l-istrument tar-Ragruppament Ewropew ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT). L-ambitu ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali jista' jinkludi punti prinċipali oħra għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi prominenti tal-Kummissjoni Ewropea;

66.

jissuġġerixxi li r-rapporti dwar l-użu tal-fondi Ewropej li jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea jintużaw biex jagħtu informazzjoni dwar ir-riżultati miksuba mill-isforzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea 2020. B'hekk jiġu evitati strutturi burokratiċi u obbligi li jsir rapport ġodda, u dan la jeħtieġ istituzzjonijiet ġodda u lanqas riżorsi addizzjonali;

67.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex, fuq il-bażi tar-rapporti msemmijin hawn fuq, tinforma b'mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tal-patti territorjali għall-Istrateġija Ewropa 2020 fil-qafas tal-politika ta' koeżjoni tal-UE kif ukoll biex tiddiskuti l-adattamenti strateġiċi;

68.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex fil-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali tressaq l-ideat tagħha dwar ir-rabtiet futuri bejn il-politika ta' koeżjoni u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

69.

jemmen li l-ħames rapport dwar il-koeżjoni li ser jiġi ppubblikat fil-bidu ta' Novembru 2010 għandu jiftaħ diskussjonijiet madwar l-UE kollha dwar il-linji gwida futuri tal-politika ta' koeżjoni fid-dawl tal-Istrateġija Ewropa 2020, bil-parteċipazzjoni tal-livell lokali u reġjonali, bil-għan li dawn il-linji gwida mbagħad, wara fażi ta' konsultazzjoni u kooperazzjoni, jiġu adottati fil-ħin qabel ma jibda l-perijodu ta' finanzjament il-ġdid;

70.

barra minn hekk, jemmen li hemm bżonn li l-Kumitat tar-Reġjuni jipparteċipa b'mod strutturat fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, u b'rabta ma' dan jipproponi li r-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea għas-summit tar-rebbiegħa jipprevedi kapitolu speċifiku dwar il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istrateġija;

71.

jenfasizza l-għarfien espert lokali u reġjonali li l-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020 ipprovdiet kemm għall-analiżi tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll għall-ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni;

Għaldaqstant, jasal għal dawn il-konklużjonijiet:

72.

fil-futur il-politika ta' koeżjoni għandha tibqa' orjentata lejn l-għanijiet tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali stabbiliti fit-Trattat dwar l-UE, b'mod partikolari billi tnaqqas id-differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp fir-reġjuni differenti kif ukoll id-distakk tal-aktar reġjuni żvantaġġati;

73.

b'din il-premessa tkun tista' tagħti kontribut attiv għall-implimentazzjoni tal-objettivi ta' Ewropa 2020;

74.

però dan jista' jseħħ biss jekk fil-futur il-politika ta' koeżjoni tibqa' mmirata lejn ir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea;

75.

huwa biss bl-approċċ orizzontali tal-politika ta' koeżjoni li jista' jiġi żgurat li r-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw b'mod attiv fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

76.

dan jista' jinkiseb permezz ta' Patt Territorjali mal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali li jistabbilixxi l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020, u li jressaq rakkomandazzjoni għal patti territorjali li jippermettu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw b'mod strutturat fil-livell tal-Istati Membri skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom;

77.

f'dan ir-rigward, il-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni għandu jibqa' ffokat fuq l-aktar reġjuni dgħajfa u dawk li għandhom l-aktar problemi; u għar-reġjuni li wara l-2013 mhux ser jibqgħu eliġibbli għal finanzjament massimu (inklużi r-reġjuni milquta mill-hekk imsejjaħ “effett statistiku”) għandhom jinsabu regoli transitorji adatti u ġusti li jqisu d-dgħufijiet li jkun għad għandhom sabiex jiġi żgurat li dawn ir-reġjuni jżommu dak li jkunu kisbu b'mod sostenibbli;

78.

fl-istess ħin, għandhom jiġu appoġġjati r-reġjuni li diġà qegħdin jagħtu kontribut importanti għall-kompetittività tal-UE. Barra minn dan, anke fl-aktar reġjuni b'saħħtihom mil-lat ekonomiku hemm żoni strutturali aktar dgħajfa li għandhom bżonn l-għajnuna;

79.

il-kooperazzjoni territorjali tista' tagħti kontribut importanti fil-kuntest tal-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020;

80.

fil-futur il-Fond Soċjali Ewropew għandu jibqa' jagħmel parti mill-politika ta' koeżjoni, u dan għandu jiġi żgurat permezz ta' regolament qafas komuni;

81.

il-Kumitat tar-Reġjuni għandu jipparteċipa b'mod strutturat – anke bl-użu tal-għarfien mislut mill-Pjattaforma għall-Monitoraġġ tal-Ewropa 2020 – fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Barra minn hekk, ir-rapport annwali tal-Kummissjoni Ewropea għas-summit tar-rebbiegħa għandu jipprevedi kapitolu speċifiku dwar il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija;

82.

l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea huma lesti li, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni futura tal-Ewropa, jagħtu l-kontribut tagħhom għas-suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020!

Brussell, 5 ta' Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  White Paper tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-gvernanza f'diversi livelli, CdR 89/2009 fin.

(2)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ġejjieni tal-Istrateġija ta' Lisbona wara l-2010, CdR 25/2009 fin.

(3)  Opinjoni ta' prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni, CdR 210/2009 fin.

(4)  Il-Pożizzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2010 (CdR 175/2010, Punt 12).


18.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/17


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Inkejlu l-progress lil hinn mill-PDG”

2011/C 15/04

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jinnota li l-PDG ma joffrix miżura preċiża tal-kapaċità ta' soċjetà li tittratta kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-kwalità tal-ħajja jew l-inklużjoni soċjali; għalhekk jipproponi li l-indikaturi magħżulin għat-tfassil u d-disinn ta' politiki u strateġiji pubbliċi jmorru id f’id mal-prijoritajiet tal-Istrateġija 2020;

iqis li l-ħames azzjonijiet ikkunsidrati fil-Komunikazzjoni biex jiġi vvalutat il-progress ekonomiku u soċjali li huma: a) l-użu ta' indikaturi ambjentali u soċjali flimkien mal-PDG; b) l-informazzjoni kważi f'ħin reali għat-teħid tad-deċiżjonijiet; c) informazzjoni iktar preċiża dwar id-distribuzzjoni u l-inugwaljanzi; d) l-iżvilupp ta' qafas Ewropew ta' indikaturi għall-iżvilupp sostenibbli; u e) l-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali għal temi soċjali u ambjentali, huma adatti u jservu ta' bażi għall-proposti stabbiliti fl-Istrateġija UE-2020. Dawn l-azzjonijiet m'għandhomx ikunu biss għodod ta' valutazzjoni iżda għandhom jintużaw għat-teħid tad-deċiżjonijiet;

huwa tal-fehma li hemm bżonn ta' titjib tal-metodoloġija sabiex tiġi pprovduta informazzjoni iktar kompleta u li tirrifletti r-realtà, li tikkunsidra l-indikaturi li jiffaċilitaw il-proċess tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet; jinnota li l-indiċi li jistgħu jintużaw mill-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej għandhom ikunu omoġenji u jiffaċilitaw il-koerenza fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet;

jemmen li l-Eurostat għandu jikkunsidra l-proposti ta' din il-Komunikazzjoni iżda għandu jinkludi l-istatistika reġjonali fl-aspetti iktar wiesa 'tal-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà u t-tqassim tad-dħul u l-ġid;

jenfasizza l-fatt li l-azzjoni tal-Fondi Strutturali, inkluż il-Fond ta' Koeżjoni, wara l-2013 ma jistax u m'għandux ikun ibbażat biss fuq il-PDG per capita;

jappoġġja l-kontenut tal-Komunikazzjoni, u bħall-Kummissjoni jqis li l-PDGhuwa indikatur importanti għall-kejl tat-tkabbir ekonomiku u l-benesseri tal-Ewropa u r-reġjuni tagħha. Għad-deċiżjonijiet dwar il-politiki Komunitarji u l-evalwazzjoni tagħhom fuq perijodu twil, madankollu, tkun ħaġa tajba li jiġu żviluppati indikaturi komplementari li jkunu kapaċi jkejlu aktar bir-reqqa l-progress li jkun sar fit-twettiq sostenibbli tal-għanijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali.

Relatur

:

Vicente Álvarez Areces (ES/PSE), President tal-Komunità Awtonoma ta' Asturias

Dokument ta' referenza

:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew – Il-PDG u lil hinn – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel

COM(2009) 433 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

A.   Kummenti ġenerali

1.

jilqa' din il-Komunikazzjoni b’sodisfazzjon, billi din tagħtih l-opportunità li jkompli d-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-Unjoni f’dinja li qed tinbidel. Il-bżonn li nidentifikaw l-indikaturi li juruna r-realtà li nistgħu nieħdu azzjoni dwarha b’mod effettiv jobbligana naħdmu biex noħolqu mudell ta' tkabbir ġdid;

2.

ifakkar li l-KtR kemm-il darba tratta kwistjonijiet relatati mat-tema ta' din il-Komunikazzjoni. Fid-dibattitu dwar l-Istrateġija ta' Lisbona wara l-2010, il-KtR reċentement talab (CdR 25/2009) li l-Istrateġija li jmiss ikollha l-objettiv ġenerali espliċitu ta' “livell għoli ta' kwalità tal-ħajja u benesseri għaċ-ċittadini kollha tal-UE”, u tenna li l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi tad-dħul teħtieġ aproċċ territorjali f’firxa wiesgħa ta' oqsma politiċi. Il-KtR ġibed l-attenzjoni għal-“livell dejjem ogħla ta' skuntentizza rigward l-użu tal-PDG bħala l-indikatur ewlieni biex titkejjel il-prestazzjoni ekonomika, u jitlob li jiġu żviluppati indikaturi ġodda li jipprovdu mezz iktar adatt għall-kejl tal-prosperità, il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja fl-Ewropa”;

3.

ifakkar ukoll li fl-opinjoni ta' prospettiva tiegħu dwar “Il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni”(CdR 210/2009 fin) huwa tkellem “favur approċċ differenzjat fl-użu ta' indikaturi sinifikanti magħżula b’mod għaqli għall-valutazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, bil-għan li r-riżorsi jintużaw b’mod immirat u jkunu jistgħu jiġu rappreżentati b’mod komprensiv l-impatti tal-politika strutturali”;

4.

iqis li d-dibattitu dwar l-indikaturi lil hinn mill-PDG huwa dibattitu politiku li għandu jgħinna nispjegaw xi jfisser il-benesseri għall-ġenerazzjonijiet attwali u futuri u liema huma l-iktar politiki adatti biex niksbu dan il-benesseri;

5.

jinnota li l-Kummissjoni Ewropea, bil-kollaborazzjoni tal-Eurostat, il-Kummissjoni għall-Kejl tal-Prestazzjoni Ekonomika u l-Progress Soċjali – l-hekk imsejħa Kummissjoni Stiglitz-Sen-Fitoussi – u l-OCDE,qiegħda timxi f’din id-direzzjoni;

6.

jinnota li l-ħames azzjonijiet ikkunsidrati fil-Komunikazzjoni biex jiġi vvalutat il-progress ekonomiku u soċjali huma: a) l-użu ta' indikaturi ambjentali u soċjali flimkien mal-PDG; b) l-informazzjoni f’ħin reali għat-teħid ta' deċiżjonijiet; c) informazzjoni iktar preċiża dwar id-distribuzzjoni u l-inugwaljanzi; d) l-iżvilupp ta' qafas Ewropew ta' indikaturi għall-iżvilupp sostenibbli; u e) l-estensjoni tal-kontijiet nazzjonali għal temi soċjali u ambjentali, huma adatti u jservu ta' bażi għall-proposti stabbiliti fl-Istrateġija UE-2020. Dawn l-azzjonijiet m’għandhomx ikunu biss għodod ta' valutazzjoni iżda għandhom jintużaw għat-teħid ta' deċiżjonijiet;

7.

ifakkar li din il-Komunikazzjoni tikkoinċidi mat-tnedija tal-Istrateġija UE-2020 u d-dibattitu politiku li ser jaffettwa l-iżvilupp fuq perijodu medju u fit-tul tal-Unjoni, iżda wkoll mad-dibattitu dwar il-Perspettivi Finanzjarji lil hinn mill-2013 u mingħajr dubju ser ikollha impatt fuq l-orjentazzjoni tal-politiki ta' koeżjoni u b’hekk fuq l-appoġġ finanzjarju li joffru. L-użu ta' indikaturi adegwati jiffaċilita l-identifikazzjoni ta' differenzi fid-dħul, il-livell ta' edukazzjoni miksub (formali u mhux formali), id-disponibbiltà tas-servizzi pubbliċi, il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa u l-offerta ta' riżorsi kulturali fil-livell reġjonali u lokali fl-UE;

8.

f’dan ir-rigward, ikun opportun li jiġi kkunsidrat l-istudju intitolat “Reġjuni 2020” tad-Direttorat għall-Politika Reġjonali, li juża indikaturi reġjonali sabiex jikseb għarfien dwar il-qagħda ta' kull reġjun vis-à-vis l-isfidi differenti, kif ukoll il-pożizzjoni relattiva ta' kull reġjun vis-à-vis r-reġjuni l-oħra ġirien tiegħu;

9.

jindika li minkejja l-fatt li r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali mhuwiex enfasizzat fil-Komunikazzjoni, il-proġetti ta' prattika tajba li kisbu suċċess juru li l-entitajiet lokali u reġjonali jistgħu jkunu kruċjali fl-adozzjoni u t-tixrid ta' sistema iktar globali għall-kejl tal-progress (ekonomiku, ambjentali u soċjali) tas-soċjetà, dejjem sakemm jiġu kkunsidrati l-kapaċitajiet u r-riżorsi adatti, fosthom l-appoġġ finanzjarju tal-UE jew ta' sorsi nazzjonali. Sabiex l-indikaturi għall-kejl tal-benesseri f’sens wiesa’ jiġu stabbiliti, għandhom ikunu jistgħu jinqasmu fil-livell reġjonali u lokali, u dan ser jirrikjedi l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

10.

jenfasizza l-fatt li l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali għandu jikkunsidra b’mod partikolari l-popolazzjonijiet taż-żoni rurali u mbiegħda, iż-żoni milquta minn transizzjoni industrijali u r-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal, pereżempju, ir-reġjuni tat-Tramuntana mbiegħda b’densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u r-reġjuni insulari, ultraperiferiċi, transkonfinali u muntanjużi. Biex jintlaħaq l-għan li jitnaqqsu d-diskrepanzi bejn it-territorji tal-Unjoni, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawn iż-żoni. Il-dgħjufija ta' dawn iż-żoni hija marbuta ma' problemi ekonomiċi, soċjali, demografiċi, ġeografiċi, storiċi, reġjonali u ambjentali. Dawn għandhom jingħataw attenzjoni partikolari meta niġu biex nagħżlu grupp ta' indikaturi li juru d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-infrastrutturi u s-servizzi ta' interess ġenerali għall-popolazzjonijiet ta' dawn iż-żoni. Dan il-grupp ta' indikaturi għandu jikkunsidra l-kompromessi tal-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig, sabiex jappoġġja l-poliċentriżmu u joħloq interrelazzjoni strutturali ġdida bejn iż-żoni urbani u rurali. Evidentement, in-natura ta' din l-interrelazzjoni ser taffettwa l-qafas ambjentali u tgħin biex tittejjeb il-kwalità tal-politiki lokali u reġjonali;

11.

jemmen li l-Eurostat għandu jikkunsidra l-proposti ta' din il-Komunikazzjoni iżda għandu jinkludi l-istatistika reġjonali fl-aspetti iktar wiesa’ tal-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà u t-tqassim tad-dħul u l-ġid. L-annwarju statistiku reġjonali tal-Eurostat għandu jkun dokument ta' dibattitu politiku annwali għar-reviżjoni tal-politiki Komunitarji;

B.   L-insuffiċjenza tal-indiċi ta' tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross biex tiġi orjentata l-politika tas-seklu XXI.

12.

jinnota li fil-Komunikazzjoni “Lil hinn mill-PDG. Inkejlu l-progress f’dinja li qed tinbidel”, il-Kummissjoni tagħraf b’mod espliċitu l-limiti tal-PDG u tipproponi li tressaq għad-dibattitu mudelli oħra b’indikaturi addizzjonali. Iżda fil-konklużjoni tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni xorta waħda tistqarr li minkejja d-difetti tiegħu, il-PDG jibqa’ l-aħjar mezz ta' kejl tal-effikaċja tas-suq. Dan huwa diskutibbli, billi l-Komunikazzjoni tiffoka fuq il-progress soċjali u l-benesseri – f’dan il-qasam, il-PDG mhuwiex l-iktar indikatur pertinenti;

13.

jinnota li bħalissa għaddejjin in-negozjati internazzjonali biex jitfassal ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti li għandu jmexxi l-azzjoni globali dwar it-tibdil fil-klima wara l-2012, meta jiskadi l-ewwel perijodu ta' impenn tal-Protokoll ta' Kyoto, u li l-UE ħadet impenn unilaterali li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha sal-2020 b’20% mill-inqas fir-rigward tal-livelli tal-1990, u qed toffri li żżid din ir-rata għal 30% jekk pajjiżi oħra li għandhom emissjonijiet għoljin ħafna fid-dinja żviluppata u li qed tiżviluppa jerfgħu s-sehem ġust tagħhom tal-isforz għall-mitigazzjoni fi ħdan ftehim globali. L-evidenza xjentifika turi li sal-2050 irid jinkiseb tnaqqis addizzjonali ta' mill-inqas 50% tal-livelli tal-1990. Dawn huma miri ambizzjużi u ser jeħtieġu transizzjoni għal ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta' karbonju li fiha l-metodi tal-produzzjoni u x-xejriet tal-konsum jużaw inqas enerġija u jużaw ir-riżorsi b’mod aktar effiċjenti. Huwa essenzjali li l-indikaturi ekonomiċi dominanti jirriflettu din id-direzzjoni l-ġdida;

14.

ifakkar li hekk kif tiddikjara l-OCDE,il-PDG huwa indikatur tal-produzzjoni u mhux tal-benesseri li l-popolazzjoni tikseb permezz ta' din il-produzzjoni. Fil-fatt, ħafna attivitajiet inklużi fil-PDG ifissru tnaqqis tal-benesseri taċ-ċittadini (pereżempju, il-ħlasijiet għoljin tat-trasport marbutin mal-konġestjoni li tinħoloq minħabba d-distanzi twal bejn il-post ta' residenza u l-post tax-xogħol jew il-miżuri meħuda kontra l-impatt ambjentali negattiv ta' ċerti attivitajiet). Barra minn hekk, il-benesseri taċ-ċittadini jiddependi mid-disponibbiltà tad-dħul u d-disponibbiltà u l-prezz tas-servizzi pubbliċi. Ir-rapport tal-kummissjoni Stiglitz-Sen-Fitoussi jinnotta li “s-suspett li l-PDG jista’ jkun strument dgħajjef għall-kejl tal-benesseri, inkluż fl-attività tas-suq, ġie rikonoxxut żmien ilu” (1);

15.

jispikka wkoll il-fatt li l-PDG ma jkoprix il-fatturi li jaffettwaw l-ambjent bħall-problemi tal-iskarsezza tar-riżorsi, l-emissjonijiet tas-CO2, l-impatt tas-sustanzi li jniġġsu, il-kwalità tal-ilma, il-bijodiversità, l-impatt fuq il-konċentrazzjoni urbana u l-eżodu rurali. Lanqas ma jkopri aspetti soċjali ferm importanti, bħall-inugwaljanza fit-tqassim personali u reġjonali tad-dħul jew l-istat ta' saħħa. Ma jagħtix importanza lil attivitajiet li mhumiex rikonoxxibbli fis-suq, bħax-xogħol mhux iddikjarat, ix-xogħol tad-dar, il-volontarjat jew il-ħin liberu;

16.

bl-istess mod, jagħraf li ċerta informazzjoni hija nieqsa. Pajjiż jista’ jżid il-PDG tiegħu billi juża r-riżorsi naturali tiegħu b’mod intensiv, iżda l-assi tal-pajjiż ser jonqsu u jħallu ġenerazzjonijiet futuri b’inqas kapital disponibbli. Fl-istess ħin iwissi kontra l-fatt li t-tkabbir ekonomiku jitqies bħala xi ħaġa li tmur kontra aspetti oħra tal-benesseri. L-esperjenza turi li ħafna drabi l-iżvilupp ekonomiku pożittiv huwa kundizzjoni biex aspetti oħra tal-benesseri jiġu kkunsidrati fit-tħejjija tal-politika;

17.

iwassal lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni il-fehma li hemm bżonn li jinġabru u jiġu ċċarati l-messaġġi li jridu jitwasslu liċ-ċittadini permezz tal-użu ta' indikaturi marbutin mal-PDG u l-PDG per capita. Hemm bżonn ta' politika ta' komunikazzjoni iktar trasparenti;

18.

jinnota li fid-dokumenti uffiċjali tal-Unjoni, inklużi t-Trattati u ċerti regolamenti, minbarra l-PDG jintużaw indikaturi oħra relatati ma' dan. Pereżempju, għad-definizzjoni u l-klassifika tar-reġjuni tal-objettiv “konverġenza”(perijodu 2007-2013), jintuża l-PDG per capita. L-għażla ta' liema Stati jistgħu jirċievu kofinanzjament mill-Fond għall-Koeżjoni hija bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG) per capita. Id-DNG jintuża wkoll fil-Perspettivi Finanzjarji, biex jiġi stabbilit il-limitu tal-ispiża baġitarja. Barra minn hekk, fil-Protokoll nru. 28 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, mhuwiex il-PDG u lanqas id-DNG, iżda l-Prodott Nazzjonali Gross (PNG) per capita li jintuża bħala referenza biex jiġi deċiż liema Stati Membri huma eliġibbli għal għajnuna mill-Fond ta' Koeżjoni; jinnota li fid-dokumenti uffiċjali tal-Unjoni, inklużi t-Trattati u ċerti regolamenti, minbarra l-PDG jintużaw indikaturi oħra relatati ma' dan. Pereżempju, għad-definizzjoni u l-klassifika tar-reġjuni tal-objettiv “konverġenza”(perijodu 2007-2013), jintuża l-PDG per capita. L-għażla ta' liema Stati jistgħu jirċievu kofinanzjament mill-Fond għall-Koeżjoni hija bbażata fuq id-dħul nazzjonali gross (DNG) per capita. Id-DNGjintuża wkoll fil-Perspettivi Finanzjarji, biex jiġi stabbilit il-limitu tal-ispiża baġitarja. Barra minn hekk, fil-Protokoll nru. 28 dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, mhuwiex il-PDG u lanqas id-DNG, iżda l-Prodott Nazzjonali Gross (PNG) per capita li jintuża bħala referenza biex jiġi deċiż liema Stati Membri huma eliġibbli għal għajnuna mill-Fond ta' Koeżjoni;

19.

jenfasizza l-fatt li l-applikazzjoni tal-Fondi Strutturali, inkluż il-Fond ta' Koeżjoni, wara l-2013 ma tistax u m’għandhiex tkun ibbażata fuq il-PDG per capita biss;

C.   L-azzjonijiet għall-valutazzjoni tal-progress f’dinja li qed tinbidel: kummenti dwar l-indikaturi relatati fil-Komunikazzjoni.

20.

jaqbel mal-idea espressa fil-Komunikazzjoni skont liema l-Kummissjoni għandha l-għan li tiżviluppa indikatur ambjentali globali, kif ukoll li ttejjeb l-indikaturi tal-kwalità tal-ħajja. Għalhekk jappoġġja bis-sħiħ it-tħejjija ta' proġett pilota għat-tfassil ta' Indiċi Ambjentali Globali li jkopri aspetti bħall-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra, it-telf ta' spazji naturali, it-tniġġis atmosferiku u l-użu tal-ilma u l-ħolqien tal-iskart. Billi diġà jeżistu metodoloġiji għall-ħolqien ta' dan l-indiċi kompost, huwa urġenti li l-Kummissjoni tippubblika l-ħidma kunċettwali u tippreżentaha kemm jista’ jkun malajr għad-dibattitu matul l-2010, hekk kif tipprevedi l-Komunikazzjoni. Kif tinnota l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha, l-indikaturi m’għandhomx juru t-tibdil ambjentali negattiv jew pożittiv biss, iżda wkoll il-kwalità tal-ambjent. Madankollu, huwa importanti li l-indikaturi ambjentali ma jħeġġux l-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi;

21.

jinnota li r-raġuni għaliex il-PDG mhuwiex indikatur globali hija li l-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi ma jirriflettux l-ispejjeż soċjali u ambjentali involuti. Għalhekk il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu bil-ħidma tagħhom sabiex il-prezz ekonomiku reali tal-prodotti jiġi kkunsidrat fil-leġislazzjoni futura;

22.

barra minn hekk, dan l-indiċi, li għandu jivvaluta r-riżultati tal-isforzi favur il-protezzjoni territorjali tal-Unjoni u li ser jurina b’mod kwantitattiv il-progress u r-regressjoni fil-qasam ambjentali, għandu jkopri mhux biss il-pajjiżi iżda wkoll ir-reġjuni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tintroduċi fil-metodoloġija tagħha l-elementi meħtieġa għat-twessigħ tal-qasam tad-definizzjoni tal-indiċi. Min-naħa l-oħra, għandhom jiġu żviluppati strumenti Ewropej ta' inċentiv għal dawk it-territorji li jiksbu l-objettivi ppjanati u jtejbuhom;

23.

ifakkar li matul il-konferenza tal-UE dwar il-kwistjoni tal-indikaturi lil hinn mill-PDG, il-Presidenza Portugiża tal-UE talbet li l-progress jitkejjel f’diversi oqsma territorjali b’mod totalment komparabbli, u nnutat li l-indikaturi li ma jippermettux tqabbil bejn ir-reġjuni ser ikollhom użu limitat. B’hekk, il-Kunsill ta' Lisbona rrakkomanda li tiġi stabbilita rabta iktar ċara bejn l-indikaturi makroekonomiċi u d-dimensjoni reġjonali;

24.

jemmen li huwa importanti li jiġi żviluppat indikatur tal-kwalità ambjentali (li ma jibqax sempliċi possibbiltà kif tgħid il-Komunikazjoni), li ma jinkludix biss iċ-ċifri taċ-ċittadini Ewropej li jgħixu f’ambjent tajjeb għas-saħħa iżda wkoll li ż-żoni fejn din il-kwalità tinkiseb jiġu studjati sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-politiki li ppermettew li dan iseħħ. Għaldaqstant nipproponu li l-analiżi tal-kwalità ambjentali ssir fuq il-bażi tad-diversi territorji tal-UE bil-għan li jiġi ffaċilitat it-tqabbil.

Huwa importanti li l- mapep u l-indikaturi prijoritarji mfassla mill-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent jaqdu rwol importanti fid-definizzjoni tan-natura ta' kull reġjun Ewropew, sabiex tkun tista’ titfassal politika iktar speċifika għal kull żona u strateġija ta' solidarjetà ma' dawk ir-reġjuni li għal raġunijiet storiċi għandhom diffikultajiet kbar biex jindirizzaw it-titjib tal-kwalità ambjentali. L-appoġġ għall-ħolqien ta' Osservatorji Reġjonali tal-Ambjent ikun politika essenzjali għas-segwitu u t-tfassil ta' politiki minn isfel għal fuq, li fihom kull reġjun juri l-ispeċifiċità tiegħu u l-elementi komuni mal-bqija tar-reġjuni Ewropej. Dan għandu jiffaċilita l-eżistenza ta' politiki flessibbli u assimetriċi fil-livell Ewropew minbarra li jistimola rabtiet li jiffavorixxu l-kooperazzjoni interreġjonali;

25.

fir-rigward tal-kwalità tal-ħajja u l-benesseri, huwa importanti li jkun hemm indikaturi bħas-servizzi pubbliċi, is-saħħa, ir-rikreazzjoni, ir-rikkezza, il-mobbiltà u l-ambjent nadif huma xiehda u kawża ta' ambjent tajjeb jew ħażin. B’mod ġenerali, is-soċjetajiet u r-reġjuni jkunu b’saħħithom f’termini ta' żvilupp sostenibbli jekk id-dimensjonijiet ekonomiċi (produzzjoni, distribuzzjoni u konsum) ikunu kumpatibbli mal-fatturi ambjentali u soċjali. L-istudji tal-OCDE dwar il-perċezzjoni tal-benesseri min-naħa taċ-ċittadini huma importanti għall-użu tagħhom;

26.

jappoġġja l-idea li l-informazzjoni tingħata f’ħin reali għat-teħid tad-deċiżjonijiet, kemm fir-rigward tal-indikaturi ambjentali kif ukoll dawk soċjali u jikkunsidra bħala progress kbir il-preżentazzjoni s-sena l-oħra tas-sistema konġunta ambjentali SEIS. Jeħtieġ li tiġi solvuta l-problema tad-differenza ta' sentejn jew tliet snin bejn id-data ambjentali u d-data ekonomika.

Fir-rigward tal-indikaturi soċjali attwali, infakkru li l-Eurostat qiegħed iwettaq stħarriġ armonizzat li għadu ma ġiex ippubblikat, għas-snin 2006, 2007, 2008 u 2009, bir-riżultati dwar il-kundizzjonijiet ta' ħajja tal-familji tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni. Għaldaqstant, diġà teżisti struttura bażika li tista’ tiġi adattata għal-livell reġjonali.

Għalhekk jipproponi li jittieħdu l-passi meħtieġa biex isir stħarriġ soċjali armonizzat fil-livell Ewropew u reġjonali, li jkun waħda mir-referenzi għall-politiki ta' koeżjoni u għat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-ambitu lokali u reġjonali;

27.

iqis bħala importanti ħafna l-informazzjoni dwar id-distribuzzjoni tad-dħul u l-inugwaljanzi u jaqbel mal-Kummissjoni meta hija tgħid li l-koeżjoni soċjali u ekonomika hija objettiv ġenerali tal-Komunità. L-għan tagħha huwa li tnaqqas l-inugwaljanza bejn ir-reġjuni u l-gruppi soċjali.

Madankollu, jinnota li m’hemmx referenza espliċita għall-koeżjoni territorjali, perspettiva li tirreferi b’mod partikolari għall-aspetti ambjentali u għall-iżvantaġġi naturali li għandhom ċerti reġjuni u li jxekklu l-iżvilupp tagħhom. Dawn l-aspetti għandhom jiġu kkunsidrati meta titwettaq analiżi li sservi ta' bażi għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet u għalhekk ikun xieraq li ssir kwantifikazzjoni u wara analiżi komparattiva.

It-tqassim tal-ġid huwa kawża ta' tħassib dejjem ikbar, billi minkejja ż-żieda fil-PDG per capita jista’ wkoll iżid l-għadd ta' persuni mhedda mill-faqar. Għalhekk hemm bżonn ta' informazzjoni iktar preċiża dwar id-distribuzzjoni u l-inugwaljanzi li tippermetti li jiġu ddefiniti aħjar il-politiki ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali.

Barra minn hekk, l-analiżi tal-livelli ta' edukazzjoni tal-forza tax-xogħol ta' reġjun partikolari, kemm ta' dawk li jaħdmu kif ukoll tal-qiegħda, hija indikatur ewlieni, u l-fehim tad-differenzi fil-livelli tal-edukazzjoni bejn il-gruppi soċjali jista’ jgħin biex jiġi żviluppat rispons ta' politika adegwat;

Għandhom ukoll jiġu eżaminati b’mod separat l-effetti diretti u indiretti tar-reċessjoni reċenti u tal-konsegwenzi tagħha għall-benesseri tar-reġjuni u l-gruppi soċjali individwali, bil-għan li jinkiseb l-għarfien rilevanti, li jitressqu proposti u li l-każijiet futuri jiġu indirizzati permezz ta' miżuri preventivi;

28.

madankollu, fir-rigward tal-indikaturi soċjali, jemmen li m’hemmx għalfejn wieħed jasal għal sitwazzjoni ta' faqar biex jara r-rabta bejn il-problemi ta' inugwaljanza reġjonali jew personali u l-impatt fuq l-ambjent. Huwa biżżejjed li wieħed jaħseb li ż-żieda fl-inugwaljanza, fuq kollox meta din l-inugwaljanza twassal għal kapaċità fiskali mnaqqsa, ser iddgħajjef il-possibbiltà li wieħed jiffaċċja r-ristrutturazzjoni neċessarja għal żvilupp sostenibbli ġdid. B’hekk, livelli iktar baxxi ta' dħul jillimitaw il-kapaċità ta' ffrankar tal-pajjiż meħtieġa biex dan ikun jista’ jwettaq il-bidliet neċessarji fir-rigward tal-mudell tal-konsum li jinvolvi dan it-tkabbir sostenibbli. Min-naħa l-oħra, m’hemmx dubju li mudell ta' mġiba sostenibbli fuq perijodu medju jew fit-tul jippermetti ffrankar li jkopri l-investiment inizjali.

Għaldaqstant, l-indiċi ta' inugwaljanza tad-dħul u d-diskrepanza reġjonali għandhom ikunu fil-qalba tar-riflessjoni dwar id-deċiżjonijiet strateġiċi tal-ġejjieni;

29.

jappoġġja l-proġett ta' tfassil ta' Qafas ta' Indikaturi tal-Iżvilupp Sostenibbli msemmi fil-Komunikazzjoni. Jiġri x'jiġri, il-qafas għandu jkollu l-ikbar utilità possibbli u għandu jitbiegħed mill-iskema ta' valutazzjoni ex post ta' natura akkademika. Dan ifisser li l-qafas, li għandu jkopri l-pajjiżi u r-reġjuni kollha sabiex is-sistemi ta' statistika jkunu kumpatibbli fil-livelli kollha, għandu jkun għodda għall-azzjoni, għat-tfassil ta' orjentazzjonijiet li jservu biex jitfasslu l-politiki settorjali u reġjonali tal-Unjoni Ewropea, u b’dan il-mod jippermetti li jiġu inklużi l-ispirtu ta' innovazzjoni tas-soċjetà u minħabba dan il-fattur tas-sostenibbiltà b’mod partikolari fi kwalunkwe proġett strateġiku u li l-valutazzjonijiet kumparattivi tal-aħjar prattiki jiżdiedu u l-miri għall-iżvilupp jintlaħqu aktar malajr. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta l-verżjoni pilota mwiegħda fil-Komunikazzjoni;

30.

l-indikaturi l-ġodda għandhom ikunu b’saħħithom, affidabbli u rikonoxxuti b’mod wiesa’ sabiex ikunu jistgħu jkejlu l-progress lejn ekonomija ekoloġikament effikaċi, u għandhom jipprovdu bażi għall-ħolqien ta' qafas għall-iżvilupp sostenibbli, jiġifieri qafas li jittratta l-aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali. Il-bijodiversità għandha tagħmel parti minn dawn l-indikaturi l-ġodda;

31.

fir-rigward tal-kontabbiltà ekonomika u ambjentali integrata, iħeġġeġ l-isforzi li qed isiru biex tinbena kontabbiltà ekoloġika. F’ċerti oqsma sar progress sinifikattiv permezz tal-koordinazzjoni tal-isforzi bejn l-Eurostat, l-Istituti tal-Istatistika tal-Istati Membri u l-OCDE, iżda hemm bżonn li din tiġi estiża għall-pajjiżi kollha tal-UE sabiex fl-2013 ikollna kontijiet ambjentali ta' konsum tal-enerġija u ġestjoni tal-iskart, kif ukoll kontijiet monetarji għas-sussidji relatati mal-ambjent, fi ħdan qafas legali komuni.

Jeħtieġ ukoll li s-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (SEK) tikkompleta l-qafas tagħha ta' indikaturi soċjali, bħad-dħul disponibbli tal-familji jew id-dħul disponibbli mmodifikat, u tgħaddih lill-Istati Membri u r-reġjuni kollha tal-UE sabiex tippromovi l-użu tiegħu billi dan huwa aħjar għall-kalkolu tal-konsum u l-iffrankar mill-indikatur attwali tal-PDG per capita;

D.   Is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u t-titjib tal-leġislazzjoni.

32.

jikkunsidra li l-kwistjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni jikkorrispondu għat-tieliet parti, l-Artikoli XVIII u XX tat-TFUE relatati mal-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-ambjent;

33.

jifhem li l-ambiti politiċi trattati mill-Kummissjoni m’humiex kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, billi jaqgħu taħt il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Madankollu, jistqarr li hemm aspetti transnazzjonali li ma jistgħux jiġu rregolati permezz ta' azzjoni indipendenti tal-Istati Membri jew tal-entitajiet lokali u reġjonali. Għalhekk l-objettivi ser jintlaħqu B’mod iktar effikaċi permezz ta' politiki komuni jew ta' azzjoni kkoordinata;

34.

jemmen li l-azzjonijiet previsti mill-Kummissjoni huma konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, billi ma jmorrux iktar lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jiksbu l-objettivi previsti. b’mod partikolari l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tiżviluppa indikaturi u għodda oħra ta' superviżjoni bħall-qafas Ewropew ta' indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli;

35.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, f’dak li għandu x’jaqsam mat-titjib tal-leġislazzjoni, li tikkunsidra iktar bis-sħiħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod speċjali rigward il-bżonn li jiġu appoġġjati fl-iżvilupp tal-objettiv il-ġdid tal-kejl tal-progress soċjali u ambjentali. Il-Kummissjoni għandha toffri l-assistenza u r-riżorsi għall-ħolqien ta' bażi tad-data tal-istatistika lokali u reġjonali li tkopri lill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Din il-bażi tad-data għandha tgħin biex tiffaċilita l-iżvilupp ta' indikaturi fil-livell tal-UE;

36.

ifakkar li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali diġà għandhom firxa wiesgħa ta' indikaturi ambjentali, ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi, individwali u divrenzjati, li jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta' indikaturi għall-UE li jirriflettu s-sitwazzjoni tal-Istati Membri fl-ambiti lokali u reġjonali wkoll, sabiex jippermettu tqabbil bejn ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet tal-UE kollha kemm hi.

Barra mill-indikaturi fil-livell tal-Unjoni Ewropea, ikun xieraq li wieħed ikun jista’ juża informazzjoni minn pajjiżi oħra, kif ukoll informazzjoni mħejjija minn organizzazzjonijiet internazzjonali;

E.   Sinteżi u konklużjonijiet finali.

37.

jeżisti l-bżonn ċar li l-PDG jiġi kkomplementat bi statistiċi li jkopru aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali oħra li minnhom jiddependi b’mod kruċjali l-benesseri taċ-ċittadini.

L-objettiv tal-PDG mhuwiex li jitkejjel, fuq perijodu twil, il-progress ekonomiku u soċjali, b’mod partikolari l-kapaċità ta' soċjetà li tittratta kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, il-kwalità tal-ħajja jew l-inklużjoni soċjali. Għalhekk jipproponi li l-indikaturi magħżulin għall-ippjanar u t-tfassil ta' politiki u strateġiji pubbliċi jmorru id f’id mal-prijoritajiet tal-Istrateġija 2020;

38.

iqis li l-indiċi tradizzjonali tal-PDG għandu jittejjeb jew jiġi kkomplementat b’fatturi relatati mal-ambjent u l-benesseri soċjali. F’dan ir-rigward jemmen li tkun ħaġa tajba li jinħoloq indiċi ambjentali globali u li jsir stħarriġ soċjali armonizzat fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali;

39.

huwa tal-fehma li hemm bżonn ta' titjib tal-metodoloġija sabiex tiġi pprovduta informazzjoni aġġornata iktar kompleta u adattata għar-realtà li tikkunsidra l-indikaturi li jiffaċilitaw il-proċess tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet. Jinnota li l-indiċi li jistgħu jintużaw mill-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej għandhom ikunu omoġenji u jiffaċilitaw il-ħolqien u t-tixrid tal-innovazzjonijiet tas-soċjetà u l-koerenza fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet. Għandu jittejjeb ukoll il-fehim tar-relazzjoni bejn l-indikaturi differenti tal-benesseri, speċjalment billi l-indikaturi li għandhom jikkomplementaw il-kejl bil-PDG ħafna drabi jinbidlu fuq perijodu twil ta' żmien;

40.

jitlob li l-għażla u l-kontenut tal-indikaturi jkunu l-prodott ta' parteċipazzjoni wiesgħa minn isfel għal fuq tal-komunitajiet lokali, reġjonali, statali u tal-Unjoni, fi ħdan proċess ta' dibattitu. B’mod globali dan għandu jwassal għall-effikaċja tal-objettivi u l-leġittimità tal-azzjoni politika Komunitarja billi ċ-ċittadini jkunu jistgħu jidentifikaw ruħhom mal-isforzi biex wieħed joħroġ mill-kriżi u biex l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja jiġu protetti;

41.

jinnota li, meta l-Unjoni kibret fl-1995, ġie introdott indikatur tad-densità tal-popolazzjoni. Dan l-indikatur wera l-ostakli għall-iżvilupp ta' żoni b’densità ta' popolazzjoni baxxa fit-Tramuntana tal-Ewropa, b’distanzi twal, spejjeż għoljin biex jiġu pprovduti s-servizzi u l-infrastruttura, kif ukoll bażi ekonomika mhux adegwata biex jinbdew negozji ġodda. Indikaturi sempliċi bħal dawn għandhom jibqgħu jintużaw fil-futur, pereżempju fit-tfassil tal-politika ta' koeżjoni;

42.

jitlob li l-Unjoni Ewropea tkompli taħdem b’mod ikkoordinat ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra bħall-OCDE, il-Bank Dinji, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-Istituti tal-Istatistika, sabiex l-isforz li rridu nwettqu jmur id f’id ma' dak imwettaq fil-livell dinji minn entitajiet internazzjonali oħrajn;

43.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-indikaturi jkunu konformi mal-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija l-ġdida u l-perspettivi finanzjarji mill-2013 ’il quddiem. L-istrateġiji Komunitarji huma riflessi fil-baġits u għandhom ikunu bbażati fuq ix-xewqa għal ġejjieni aħjar li tista’ biss tinbena fuq żewġ sorsi tal-informazzjoni: l-istatistika u l-opinjoni taċ-ċittadini, minbarra l-eżerċizzju ta' tmexxija tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna fl-Ewropa;

44.

jappoġġja l-kontenut tal-Komunikazzjoni, u bħall-Kummissjoni jqis li l-PDG huwa indikatur importanti għall-kejl tat-tkabbir ekonomiku u l-benesseri tal-Ewropa u r-reġjuni tagħha. Madankollu, għad-deċiżjonijiet dwar il-politiki Komunitarji u l-evalwazzjoni tagħhom, tkun ħaġa tajba li jiġu żviluppati indikaturi komplementari li jkunu kapaċi jkejlu aktar bir-reqqa l-progress li jkun sar fit-twettiq sostenibbli tal-għanijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali.

Brussell, 5 ta' Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Stiglitz Joseph, Sen Amartya, Fittousi Jean Paul, Issues Paper, Commission on the Measurement of the Economic Perfomance and Social Progress. 25/07/2008.


18.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/23


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-partenarjati pubbliċi privati”

2011/C 15/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI QED JOĦROĠ DAWN IR-RAKKOMANDAZZJONIJIET LI ĠEJJIN:

Il-Kumitat jinnota b’mod partikulari li l-proġetti tal-PPPs m’għandhomx jitqiesu bħala soluzzjoni finanzjarja għal perijodu qasir biss, iżda għandhom jiġu evalwati mill-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja; mill-ippjanar, it-tfassil, il-finanzjament u l-kostruzzjoni sal-produzzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-ispejjeż totali jiddependu miż-żmien li jieħu l-proġett, li xi kultant ikun mat-30 sena.

Il-Kumitat ma jaħsibx li s-sħubijiet pubbliċi-privati huma adattati għal kull kuntest; u għalhekk għandha ssir evalwazzjoni ta’ kull proġett individwali, kull servizz pubbliku u kull innovazzjoni bil-għan li jiġi evalwat jekk is-sħubija mas-settur privat iġġibx magħha valur miżjud.

Il-Kumitat jaħseb li għadu kmieni wisq biex il-Kummissjoni tirregola dwar il-konċessjonijiet ta’ servizzi. Jekk, madankollu, il-Kummissjoni xorta tiddeċiedi li l-konċessjonijiet ta’ servizzi għandhom ikunu koperti mid-direttivi Komunitarji dwar l-akkwist pubbliku, huwa estremament importanti li dawn ir-regoli jkunu sempliċi u flessibbli kemm jista’ jkun. F’dak il-każ, għandhom ikunu ggwidati mid-dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar il-konċessjonijiet tal-akkwist pubbliku u assolutament mhux mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist tas-servizz.

Relatur

:

Is-Sinjura Segersten Larsson (SE/PPE), Membru tal-Assemblea tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Värmland

Dokument ta’ referenza

:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp ta’ Partenarjati Pubbliċi Privati

COM(2009) 615 finali

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-fatt li l-UE u l-Istati Membri qed jimplimentaw pjani ambizzjużi ta’ rkupru bil-għan li jistabbilizzaw is-settur finanzjarju u jrażżnu l-effeti ħżiena tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fuq iċ-ċittadini u l-ekonomija reali. Fl-istess ħin, jenfasizza l-importanza tas-sehem tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

2.

huwa tal-fehma wkoll li, b’rabta ma’ dawn il-miżuri ta’ rkupru, l-isħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) jistgħu jkunu mezz tajjeb għat-twettiq ta’ proġetti ta’ infrastruttura, għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi u għall-promozzjoni tal-innovazzjonijiet;

3.

jenfasizza f’dan il-kuntest li l-proġetti tal-PPPs m’għandhomx jitqiesu bħala soluzzjoni finanzjarja għal perijodu qasir biss, iżda għandhom jiġu evalwati mill-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja; mill-ippjanar, it-tfassil, il-finanzjament u l-kostruzzjoni sal-produzzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-ispejjeż totali jiddependu miż-żmien li jieħu l-proġett, li xi kultant ikun mat-30 sena;

4.

huwa tal-fehma li s-sħubijiet pubbliċi-privati mhumiex adattati għal kull proġett, kull servizz u kull innovazzjoni, u għalhekk għandha ssir evalwazzjoni ta’ kull proġett individwali bil-għan li jiġi evalwat jekk is-sħubija mas-settur privat iġġibx magħha valur miżjud;

5.

jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jeżaminaw bir-reqqa kull skema ta’ kiri transkonfinali għall-infrastrutturi pubbliċi li huma setgħu diġa daħlu fiha jew li qed jikkunsidraw għall-ġejjieni, sabiex jiġu evitati sorpriżi negattivi u riperkussjonijiet serji għall-baġits tagħhom;

6.

huwa tal-fehma li s-soluzzjonijiet finanzjarji jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Pereżempju, f’ċerti Stati Membri l-awtoritajiet lokali stess jistgħu jissellfu u jinvestu ammonti kbar. Peress li s-sitwazzjonijiet huma tant differenti, il-KtR huwa tal-fehma li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jintużaw f’ċerti każi biss biex il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tkun aktar effiċjenti u biex l-implimentazzjoni tal-proġetti l-kbar tkun aktar effettiva;

7.

huwa tal-fehma li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkunu mezz ideali għall-ġestjoni tal-investimenti pubbliċi, iżda huma l-awtoritajiet lokali u reġjonali li għandhom jiddeċiedu liema huwa l-aħjar metodu li għandu jintuża fil-proġetti differenti, servizzi pubbliċi jew innovazzjonijiet. Waħda mill-kundizzjonijiet importanti għas-sħubijiet pubbliċi-privati hija li ssir evalwazzjoni ta’ min hu l-aktar adatt biex jerfa’ r-riskji involuti;

8.

jemmen li l-Fondi Strutturali tal-UE jew il-Bank Ewropew tal-Investiment jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipprovdu fondi li jistgħu jintużaw bħala appoġġ għal proġetti ta’ sħubijiet pubbliċi-privati;

9.

jaqbel li s-sħubijiet pubbliċi-privati jistgħu jkunu wieħed mill-mezzi biex jingħelbu l-problemi kkawżati mit-tibdil fil-klima. Jaqbel ukoll li dawn jistgħu jkunu mezz tajjeb għat-titjib tat-tkabbir u l-impjiegi fil-qasam tal-industrija u s-settur pubbliku tal-UE;

10.

jixtieq jenfasizza li huwa importanti li l-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jingħataw aktar opportunitajiet biex jinvolvu ruħhom fis-sħubijiet pubbliċi-privati peress li jirrappreżentaw riżors li ta’ spiss ma jintużax biżżejjed għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli;

11.

l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma ta’ spiss l-aktar adatti biex jiddeċiedu kif għandhom jiġu ffinanzjati s-servizzi. Il-Kumitat jenfasizza r-rwoli differenti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għaliex minbarra li jorganizzaw, imexxu u jissorveljaw l-attivitajiet differenti, huma wkoll responsabbli biex jipprovdu servizzi taħt il-ġestjoni tagħhom stess. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiddefinixxu biċ-ċar l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-lat tal-interess ġenerali, tal-kwalità tas-servizzi pprovduti u l-politika tal-prezzijiet kif ukoll jikkontrollaw li dawn l-għanijiet jiġu rispettati;

12.

josserva li l-idea ta’ sħubija qed tiġi interpretata b’mod aktar wiesa’ milli kien oriġinarjament maħsub, u għalhekk jipproponi li, fil-ġejjieni, is-sħubijiet pubbliċi-privati jiġu definiti b’mod inqas wiesa’ b’mod li jiġbru fihom relazzjonijiet fit-tul, it-teħid ta’ riskji bi sħab u impenn finanzjarju qawwi. Għalhekk, huwa estremament importanti li l-kunċett ta’ sħubija pubblika-privata jiġi definit aħjar, bil-għan li jiġi żgurat dibattitu adegwat dwar kwalunkwe inizjattiva futura tal-Komunità;

Il-fehmiet tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal ħames miżuri ewlenin fl-2010

It-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma

13.

jemmen li huwa importanti li titwaqqaf sistema ta’ appoġġ internazzjonali u skambju tal-esperjenzi fid-dawl tal-fatt li l-għadd ta’ sħubijiet pubbliċi-privati qed jikber. Madankollu, jenfasizza bil-qawwa li s-sitwazzjoni tvarja minn Stat Membru għal ieħor u li waħda mill-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta’ sħubijiet pubbliċi-privati li jirnexxu hija li għandhom jiġu żviluppati fid-dawl taċ-ċirkustanzi lokali u reġjonali. Għalhekk, huwa urġenti li jiġu żgurati l-appoġġ u l-kompetenzi meħtieġa fl-Istati Membri differenti;

14.

jikkunsidra li huwa importanti ħafna li jekk jitwaqqaf korp jew grupp fil-livell tal-UE, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu rappreżentati fih u li l-Kumitat ikollu l-opportunità li jagħżel ir-rappreżentanti kkonċernati;

Ħidma bi sħab mal-BEI biex jiżdiedu l-fondi disponibbli għall-isħubijiet pubbliċi-privati

15.

jemmen li l-miżuri l-aktar importanti fil-qasam tal-investiment għandhom dejjem jiġu implimentati bl-akbar attenzjoni biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali u n-negozji privati ma jkollhomx isibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn ikun impossibbli li jagħmlu l-ħlasijiet meħtieġa, meta wieħed iqis li s-sħubijiet għandhom impenji finanzjarji fit-tul ħafna. Il-Kumitat iqis li l-Fondi Strutturali tal-UE huma sors importanti għas-sħubijiet pubbliċi-privati. Fil-fehma tiegħu, il-BEI, għandu jaqdi rwol aktar importanti fl-għajnuna li jagħti sabiex joħloq il-bażi għal sħubijiet effettivi u innovattivi;

Reviżjoni tar-regoli u l-prattiki rilevanti li tiżgura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fl-allokazzjoni tal-fondi pubbliċi, fejn huma involuti l-finanzi tal-Komunità

16.

japprezza l-isforzi li tagħmel il-Kummissjoni sabiex tiżgura li, fil-livell tal-UE, il-prinċipji fundamentali tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fosthom it-trasparenza, l-opportunitajiet indaqs, il-proporzjonalità u r-rikonoxximent reċiproku jiġu rispettati fl-għoti tal-kuntratti pubbliċi u l-konċessjonijiet;

17.

il-Kummissjoni tista’ tagħmel aktar milli diġà qed tagħmel biex toħloq lok għall-isħubijiet pubbliċi-privati fil-liġi dwar l-akkwist pubbliku;

Qafas għall-innovazzjoni iktar effettiv u l-possibbiltà li l-UE tipparteċipa f’korpi legali privati u tinvesti direttament fi proġetti speċifiċi

18.

Il-kwistjoni tas-sehem tal-UE f’korpi legali privati jew fl-investiment dirett fi proġetti speċifiċi għandha l-ewwel tiġi żviluppata u ċċarata u li ssir evalwazzjoni tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà qabel ma l-Kumitat ikun jista’ jieħu pożizzjoni definittiva fuqha;

Il-Kummissjoni ser tikkunsidra proposta għal strument leġiżlattiv fuq il-konċessjonijiet ta’ servizzi, fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-impatt għaddejja bħalissa

19.

fil-fehma tal-Kumitat għadu kmieni wisq biex il-Kummissjoni tirregola dwar il-konċessjonijiet ta’ servizzi. Jekk, madankollu, il-Kummissjoni xorta tiddeċiedi li l-konċessjonijiet ta’ servizzi għandhom ikunu koperti mid-direttivi Komunitarji dwar l-akkwist pubbliku, huwa estremament importanti li dawn ir-regoli jkunu sempliċi u flessibbli kemm jista’ jkun. F’dak il-każ, għandhom ikunu ggwidati mid-dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar il-konċessjonijiet tal-akkwist pubbliku u assolutament mhux mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-akkwist tas-servizzi;

20.

l-iżvilupp futur tas-sħubijiet pubbliċi-privati m’għandux inaqqas l-opportunitajiet li jiġu offruti impjiegi lill-persuni bi bżonnijiet speċjali, b’konformità mad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Brussell, 5 ta’ Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


18.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/26


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Strateġija għaż-żona ġeografika tal-baħar tat-Tramuntana/Kanal Ingliż”

2011/C 15/06

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

huwa konvint li l-makroreġjuni jistgħu jkunu forma innovattiva ta’ kollaborazzjoni interreġjonali u transnazzjonali Ewropea li toħloq il-qafas ideali għal kollaborazzjoni ddeterminata mill-ġeografija, is-suġġett u ż-żmien bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-Istati Membri u l-korpi tal-Unjoni Ewropea;

jenfasizza li l-istrateġiji makroreġjonali m’għandhomx għalfejn ikopru l-oqsma kollha ta’ politika, iżda l-ewwel għandhom jiffukoaw fuq dawk l-isfidi li huma komuni għal makroreġjun; jixtieq ukoll li jagħmilha ċara li l-makroreġjuni mhumiex livell istituzzjonali addizzjonali tal-Unjoni Ewropea;

il-prijoritajiet għal azzjoni fiż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż jinsabu fl-oqsma tal-politika marittima, l-ambjent, l-enerġija, it-trasport/it-traffiku, l-industrija u x-xjenza u l-impatti tagħhom fuq il-koeżjoni soċjali;

jistaqsi lill-Istati Membri biex jappoġġjaw passi oħra sabiex tiġi żviluppata strateġija makroreġjonali għal din iż-żona, minħabba l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-isfidi fl-oqsma tat-trasport, l-ambjent, is-sajd u r-riċerka;

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tqiegħed għad-disponibbiltà riżorsi għall-abbozzar ta’ strateġiji makroreġjonali anki qabel l-2013 u biex tippromovi l-iżvilupp ta’ strateġija makroreġjonali għaż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż qabel l-2013;

jitlob biex il-politika ta’ koeżjoni wara l-2013 tkun tinkludi kemm jista’ jkun strateġiji makroreġjonali fl-oqsma kollha tal-kooperazzjoni territorjali tagħha u tikkunsidraha bħala urġenti li jiġi definit b’mod aktar preċiż fi Green Paper ir-rwol u l-funzjoni tagħhom.

Relatur

:

Is-Sur Hermann Kuhn Membru tal-Parlament ta’ Bremen (DE/PSE)

I.   KUMMENTI ĠENERALI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-fatt li fl-10 ta’ Ġunju 2009 l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l-Istrateġija tal-UE għall-Baħar Baltiku, li kkonċentrat fuq il-makroreġjun tal-Baħar Baltiku. Meta ppubblikat din l-istrateġija, il-Kummissjoni rreferiet għall-fatt li l-Istrateġija għall-Baħar Baltiku setgħet isservi ta’ eżempju għal strateġiji simili għal makroreġjuni Ewropej oħra;

2.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku hija mibnija fuq approċċ integrat, fuq bażi volontarja u fuq kooperazzjoni attiva bejn l-atturi reġjonali u l-konsultazzjoni tagħhom kif ukoll fuq in-newtralità finanzjarja, u hija maħsuba biex ir-riżorsi disponibbli jintużaw b’mod ikkoordinat. Din il-proċedura toffri orjentazzjoni tajba għall-ħidma fuq l-istrateġiji makroreġjonali, li l-punt tat-tluq tagħhom għandu jkun l-ispeċifiċitajiet u l-isfidi ta’ makroreġjun;

3.

jilqa’ l-fatt li fit-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009 l-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tfassal Strateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju;

4.

ifakkar li l-Kumitat tar-Reġjuni laqa’ dawn il-ħidmiet b’mod pożittiv sa mill-bidu nett, billi huma adatti bħala għodda għall-promozzjoni tal-inklużjoni politika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-kontribut tagħhom f’dan il-kuntest;

5.

jinnota li bosta reġjuni Ewropej jittrattaw it-tema tal-istrateġiji makroreġjonali. Dan ħareġ fid-dieher waqt il-konferenza tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-13 ta’ April 2010 dwar “Il-makroreġjuni Ewropej: integrazzjoni permezz tal-kollaborazzjoni territorjali”;

6.

huwa konvint li l-makroreġjuni jistgħu jkunu forma innovattiva ta’ kollaborazzjoni interreġjonali u transnazzjonali Ewropea li toħloq il-qafas ideali għal kollaborazzjoni ddeterminata mill-ġeografija, is-suġġett u ż-żmien bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-Istati Membri u l-korpi tal-Unjoni Ewropea. Fl-istess ħin, fit-tfassil ta’ dawn l-istrateġiji l-ġodda għandha tiġi kkunsidrata l-esperjenza miskuba matul ħafna snin fil-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali;

7.

jenfasizza l-fatt li Strateġija Ewropea għall-Makroreġjuni tista’ ttejjeb il-koerenza u l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet politiċi f’diversi setturi u fuq diversi livelli u tittrasforma sfidi speċifiċi f’azzjonijiet komuni. Tista’ tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji, tinkorpora aħjar lill-awtoritajiet lokali u reġjonali skont il-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli u tinkludi b’mod iktar flessibbli lill-organizzazzjonijiet soċjali;

8.

għalhekk iqis lill-istrateġiji makroġejonali bħala għodda tal-integrazzjoni Ewropea u ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali ikbar – pass pass;

9.

jemmen li huwa importanti li jiġi vverifikat kif l-istrateġiji makroreġjonali u l-ambiti tagħhom jistgħu jiġu assoċjati ma’ politiki strateġiċi oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Ewropa 2020, il-politika ta’ koeżjoni u l-politika marittima integrata.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Makroreġjuni: forma ġdida ta’ kollaborazzjoni interreġjonali u transnazzjonali Ewropea

10.

ifakkar li l-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ kollaborazzjoni transkonfinali, interreġjonali u transnazzjonali dejjem kienu prijorità għall-Kumitat tar-Reġjuni: fl-iżvilupp tal-Ewroreġjuni, ibbażati fuq il-kollaborazzjoni transkonfinali, bħal fl-iżvilupp ta’ strutturi Ewropej għal proġetti transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali li kisbu forma legali bħala Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT),

11.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-promozzjoni interreġjonali u l-kollaborazzjoni transnazzjonali huma wkoll għan u parti importanti tal-politika tal-koeżjoni. Il-programmi INTERREG IV B diġà qegħdin jikkonċentraw fuq strutturi reġjonali ikbar bħall-Baħar tat-Tramuntana u l-“Atlantic arc”;

12.

jilqa’ l-fatt li l-inklużjoni tal-“koeżjoni territorjali” fit-Trattati tal-UE tagħmel lir-reġjuni ġeografiċi saħansitra iktar importanti bħala punt ċentrali tal-politiki Ewropej;

13.

jilqa’ l-approċċ adottat fi ħdan il-politika marittima integrata tal-UE, li tgħaqqad il-politiki settorjali f’aproċċ integrat, li l-istrateġija hija prerekwiżit importanti għal implimentazzjoni tajba għax tgħin biex il-prijoritajiet u l-għodda jkunu iktar orjentati lejn is-sitwazzjoni ġeografika, ekonomika u politika ta’ żona marittima speċifika;

14.

huwa konvint li l-kunċett tal-makroreġjuni u l-istrateġiji politiċi bbażati fuqu jistgħu jkunu forma ġdida u innovattiva ta’ politika interreġjonali u transnazzjonali tal-Unjoni Ewropea. Jista’ jagħti kontribut kbir lill-konsistenza u l-kapaċità ta’ azzjoni f’qasam speċifiku, billi jlaqqa’, f’kundizzjonijiet speċifiċi, l-effiċjenza ekonomika, il-koeżjoni soċjali u l-bilanċ ambjentali adatt għal kull każ;

15.

jinnota li makroreġjun huwa territorju “magħżul” mhux “definit legalment” u li għalhekk il-fruntieri tiegħu m’għandhomx għalfejn jikkoinċidu mal-fruntieri amministrattivi jew politiċi. Huwa livell fejn ħafna partijiet interessati jaħdmu flimkien biex isolvu problemi komuni li f’livelli territorjali oħra ma jiġux solvuti jew jiġi solvuti b’mod inqas effettiv. F’kull każ hemm sfidi u opportunitajiet speċifiċi li reġjun jew Stat Membru huwa żgħir wisq biex isolvi, filwaqt li l-Unjoni u r-regolamenti tagħha huma ġeneralment kbar wisq;

16.

jikkonkludi li l-istrateġiji makroreġjonail m’għandhomx għalfejn ikopru l-oqsma ta’ politika kollha, iżda għandhom jittrattaw fuq kollox dawk l-isfidi li huma komuni għall-pajjiżi tal-makroreġjun u li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ approċċ ta’ sħubija. B’hekk l-istrateġiji makroreġjonali jlaqqgħu l-prinċipju tal-kollaborazzjoni mal-prinċipju tas-sussidjarjetà fejn dan huwa interessanti u neċessarju;

17.

jenfassizza li l-makroreġjun bħala “żona funzjonali” m’għandux fruntieri ddefiniti sewwa; il-fruntieri tiegħu jistgħu jinbidlu skont il-problema u s-soluzzjoni. Madankollu jeħtieġ li jkun hemm livell minimu ta’ konsistenza dwar x’jibni ċ-ċentru taż-żona (anke internament). Kull makroreġjun huwa ddefinit fl-essenza tiegħu mill-pedament naturali li fuqu evolviet l-istorja ekonomika, politika u kulturali tiegħu;

18.

jixtieq jagħmilha ċara li makroreġjun mhuwiex livell istituzzjonali jew kostituzzjonali ġdid tal-Unjoni Ewropea. Makroreġjun għandu pjuttost ikun organizzat bħala forma ta’ azzjoni, pjattaforma jew netwerk fejn l-imsieħba lokali u reġjonali, nazzjonali u Ewropej jaħdmu flimkien, bil-parteċipazzjoni ta’ membri tas-soċjetà, biex jiksbu objettivi komuni f’qasam speċifiku. Għandu jsir użu min-netwerks u l-pjattaformi eżistenti;

19.

huwa konvint li l-istrateġiji makroreġjonalii joffru opportunitajiet u possibbiltajiet kbar għall-iżvilupp addizzjonali u l-konkretizzazzjoni tal-metodi tal-governanza f’diversi livelli, li l-Kumitat tar-Reġjuni għażel bħala element ċentrali tal-ħidma tiegħu; dan jgħodd ukoll għall-kontribut miftuħ u flessibbli tal-organizzazzjonijiet soċjali;

20.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jafu l-kondizzjonijiet u l-problemi konkreti tar-reġjun sewwa u li għal din ir-raġjuni għandhom ikunu msieħba ugwali fir-rigward tad-disinn u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji makroreġjonali. Huma l-entità li hija l-eqreb taċ-ċittadini.

21.

jemmen li l-kollaborazzjoni fil-makroreġjuni ma tistax tkun unikament bilaterali jew multilaterali iżda li l-appoġġ mill-korpi tal-Unjoni Ewropea għandu jaqdi rwol konsiderevoli. Wara kollox, dawn il-korpi jirrappreżentaw l-objettivi, ir-regoli u r-riżorsi komuni tal-Unjoni;

22.

huwa konvint li kull makroreġjun għandu bżonn tal-istrateġija adatta għalih. Huwa biss wara l-iżvilupp ta’ sensiela ta’ strateġiji makroreġjonali differenti li ser ikollna l-esperjenza neċessarja tal-possibbiltajiet u l-limiti ta’ din l-għodda;

Strateġija għaż-Żona tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż

23.

jinnota li ż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż tinkludi ż-żona marittima tal-Baħar tat-Tramuntana u l-passaġġi għall-Baħar Baltiku (Skagerrak u Kattegat), għall-Atlantiku (il-Kanal Ingliż) u l-Baħar tan-Norveġja, kif ukoll għar-reġjuni tal-kosta li jiċċirkondawha meta dawn huma direttament jew indirettament konnessi mal-baħar jew jinfluwenzawh jew huma influwenzati minnu. Iż-żona marittima tikkorrispondi għaż-Żona estiża tal-Baħar tat-Tramuntana, kif hija msemmija fid-dokumenti tal-Kummissjoni OSPAR u tad-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima tal-UE;

24.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Istati Membri l-Isvezja, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Belġju, Franza u r-Renju Unit u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom huma kkonċernati politikament mill-makroreġjun tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż; dan jgħodd ukoll għan-Norveġja u f’sens iktar wiesa’ għall-Islanda, li diġà għandhom rabta kbira mal-UE permezz tas-sħubija tagħhom fl-EEA. L-Islanda diġà applikat biex tissieħeb fl-Unjoni;

25.

jinnota li l-Baħar tat-Tramuntana jinsab fuq il-pjattaforma kontinentali u għalhekk mhuwiex baħar fond; l-ekosistema tiegħu, b’230 tip ta’ ħut u 10 miljun għasfur tal-baħar, hija rikka u kumplessa, iżda wkoll sensittiva u mhedda. Hemm diversi tipi ta’ kosta: fjords, estwarji, bajjiet u mudflats; il-marea hija qawwija u l-kurrenti kultant ukoll. Ix-xmajjar li jagħtu għall-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż ibattlu parti kbira mill-Ewropa u jkomplu jgħabbu lill-ibħra bis-sedimenti tagħhom;

26.

jagħraf li ż-żona marittima tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż hija l-iktar żona marittima mhedda fid-dinja u li globalment hija sfruttata b’mod intensiv wisq: mill-vapuri (l-ogħla konċentrazzjoni fil-Kanal Ingliż), is-sajd, l-estrazzjoni tal-materja prima minn qiegħ il-baħar (iż-żejt, il-gass, ir-ramel u ż-żrar), l-enerġija offshore u t-turiżmu. Dawn id-diversi attivitajiet jinterferixxu ma’ xulxin u mal-protezzjoni tan-natura;

27.

jaf li l-kosta tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż hija parti mir-reġjuni żviluppati tal-UE. Tnejn mill-ikbar portijiet tat-trasport internazzjonali fid-dinja kif ukoll ċentri urbani kbar b’industrija tradizzjonali u moderna jinsabu fir-reġjun; it-turiżmu u l-agrikoltura huma żviluppati estensivament. Fl-istess ħin, setturi tradizzjonali bħas-sajd u l-bini tal-vapuri jinsabu fil-proċess ta’ bidla strutturali diffiċli, li ġiet aggravata mill-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali;

28.

huwa tal-fehma li r-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana/Kanal Ingliż huwa reġjun ta’ tkabbir. Hu jista’ u għandu jagħti kontribut għall-Istrateġija Ewropa 2020 u għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa. Dan jista’ jiġi promoss permezz ta’ approċċ makroreġjonali;

29.

jinkwieta li r-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż huwa ferm mgħobbi u mhedded mill-perspettiva ekoloġika – mgħobbi bil-piż tat-tniġġis u l-iskart fil-baħar u mhedded mir-riskji marbutin mal-vapuri u l-ġenerazzjoni tal-enerġija. It-tibdil fil-klima jġib miegħu riskji kbar għar-reġjuni tal-kosta minħabba l-fatt li jgħolli l-livell tal-baħar u jaffettwa l-frekwenza tat-tempesti;

30.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-reġjuni tal-kosta tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż ilhom elfejn sena marbutin flimkien mill-perspettiva politika u kulturali, minħabba episodji ta’ migrazzjoni, rabtiet kummerċjali pereżempju fi żmien il-“Hanseatic League” u tradizzjonijiet marittimi komuni. Ir-reġjun kien il-punt ta’ tluq tal-ivvjaġġar bil-baħar għal ħafna sekli u dan ħalla impatt fuq il-mod kif il-popolazzjoni lokali tara lilha nnifisha;

31.

jenfasizza l-fatt li l-pajjiżi tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż jinsabu quddiem problemi u sfidi komuni, li ma jistgħux jiġu solvuti minn reġjuni jew Stati Membri individwali. Dawn jissawru mill-kundizzjonijiet naturali u ġeografiċi uniċi tal-Baħar tat-Tramuntana, il-Kanal Ingliż u ż-żoni tal-kosta, li għadhom sal-lum il-bażi ta’ żvilupp storiku, ekonomiku, soċjali u kulturali komuni. Dawn huma fuq kollox:

ekosistema speċifika komuni u t-theddid tagħha;

il-klima u l-ġeoloġija (l-użu ta’ enerġiji rinnovabbli bħar-riħ jew il-marea; sfidi ġodda tal-protezzjoni tal-kosta);

użu intensiv tar-riżorsi naturali (is-sajd; l-estrazzjoni taż-żejt u tal-gass, eċċ.);

użu intensiv u wiesa’ tal-ispazju (l-enerġija mir-riħ, it-trasport bil-vapur, il-ħarsien tan-natura);

użu ekonomiku tal-kosta (trasport bil-baħar, bini ta’ vapuri, turiżmu);

32.

jenfasizza l-fatt li l-miżuri li huma neċessarji minnufih għaż-żamma tal-ekosistema tal-Baħar tat-Tramuntana u r-rabtiet tagħha mal-ibħra fil-viċinat, għall-protezzjoni tar-riżorsi u l-prevenzjoni ta’ iktar tniġġis, għas-sigurtà fuq il-baħar u fuq l-art u għall-adattament għat-tibdil fil-klima huma transkonfinali u għalhekk ma jistgħux jiġu trattati minn Stati Membri jew reġjuni individwali. Dan jgħodd ukoll għall-ħolqien ta’ infrastrutturi transkonfinali u għall-ippjanar tal-iżvilupp reġjonali: il-kurituri tal-ivvjaġġar bil-baħar, in-netwerks tat-trasport jew tal-pipelines u l-cables, l-interkonnessjoni taż-żoni marittimi protetti;

Oqsma ta’ ġestjoni importanti

33.

jenfasizza l-fatt li l-prijoritajiet kondiviżi għal azzjoni fiż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż jinsabu fl-oqsma tal-politika marittima, l-ambjent, l-enerġija, it-trasport/it-traffiku, l-industrija u x-xjenza u l-impatti tagħhom fuq il-koeżjoni soċjali. F’dawn l-oqsma ta’ politika, il-valur miżjud ta’ kollaborazzjoni ta’ suċċess fil-makroreġjun huwa ċar. Tali kollaborazzjoni jkollha wkoll impatt pożittiv fuq l-oqsma ta’ politika li ma jiddependux direttament mill-kundizzjonijiet ġeografiċi u l-iżviluppi tradizzjonali;

It-trasport bil-baħar u l-portijiet

34.

jenfasizza li t-trasport bil-baħar huwa pilastru tal-ekonomija Ewropea u fattur importanti ta’ impjieg, u li minkejja l-impatt li għandu fuq l-ambjent, huwa l-iktar mezz ta’ trasport ekoloġiku. Għalhekk l-objettiv huwa li jkun hemm trasferiment tat-trasport, primarjament tal-merkanzija, bil-baħar u konnessjoni aħjar bejn il-linji ta’ trasport bil-baħar u l-linji tal-ferrovija lejn iż-żoni interni. Il-proċedura għall-iżvilupp tat-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra u l-awtostradi tal-baħar u konnessjonijiet ma’ rotot tal-baħar interni fil-makroreġjun tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż għandha tiġi kkoordinata;

35.

jemmen li għandha tingħata attenzjoni ikbar lit-titjib u l-kontroll tas-sigurtà fuq il-baħar, fuq kollox lir-riskju kbir għar-reġjuni marittimi bħall-Kanal Ingliż. Xenarji ta’ riskju addizzjonali marbutin maż-żieda fil-wind farms ’il barra mix-xtut jeħtieġu strateġiji komuni ġodda għall-prevenzjoni tal-katastrofijiet;

36.

jinsab imħasseb mill-possibbiltà li hekk kif tiżdied il-kompetizzjoni fil-qasam tat-trasport bil-baħar u l-ġestjoni tal-portijiet minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-bżonnijiet tal-ġlieda kontra t-tniġġis tal-ibħra u l-kosta jitwarrbu. Hemm bżonn ta’ appoġġ, miżuri u inċentivi sabiex ikomplu jiġu żviluppati strateġiji bħal “Clean Shipping”, “il-vapur b’0 emissjonijiet” u “Green Harbour”. Ir-“Rotterdam Climate Initiative” u l-“Clean Shipping Index” huma eżempji tajbin ta’ dan;

37.

huwa konvint li l-kwistjoni tas-sigurtà fuq il-baħar u l-miżuri kontra t-tniġġis tal-ambjent għandhom isiru s-suġġett ta’ negozjati internazzjonali, iżda li tali negozjati jistgħu biss jiġu organizzati u mwettqa b’suċċess permezz ta’ azzjonijiet u eżempji min-naħa ta’ makroreġjuni organizzati;

Il-kwalifiki

38.

jemmen li hekk kif it-trasport bil-baħar u l-attivitajiet offshore jiksbu importanza ikbar, id-domanda u r-rekwiżiti f’termini ta’ impjieg ser jiżdiedu; il-kompetizzjoni internazzjonali u l-bżonn ta’ ħaddiema kkwalifikati ser jiżdiedu. Il-bliet marittimi fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż qed jiffaċċjaw l-isfida tat-taħriġ u l-kwalifikazzjoni tal-ħaddiema fir-rigward ta’ diversi attivitajiet marittimi;

39.

huwa favur l-idea ta’ “akkademja marittima” bħala lok ta’ taħriġ komuni għall-impjiegi tradizzjonali u ġodda, li fiha jiġu żviluppati l-kontenut u l-istandards tat-taħriġ b’rikonoxximent reċiproku;

L-industrija u l-ekonomija

40.

jenfasizza l-fatt li r-reġjuni tal-kosta tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż huma milquta ħażin mill-bidliet kbar li qed iseħħu fit-tqassim internazzjonali tax-xogħol fis-settur industrijali, b’mod speċjali fir-rigward tal-bini tal-vapuri. Il-promozzjoni tal-kostruzzjoni tal-vapuri ta’ teknoloġija avvanzata u b’emissjonijiet baxxi jew mingħajr emissjonijiet hija meħtieġa, sabiex jiġi appoġġjat is-settur u fl-istess ħin biex it-trasport bil-baħar isir iktar sikur u sostenibbli;

41.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-baħar u anke ż-żona kostali jistgħujsiru lok jew materja prima għat-teknoloġiji l-ġodda u l-industrija. Hawn qed nirreferu għat-teknoloġija offshore, il-bijoteknoloġiji “blu”, it-teknoloġija tal-ilma u tad-delta, l-akkwakultura u l-possibbiltà ta’ ksib ta’ materja prima addizzjonali minn qiegħ il-baħar. Għal dawn it-teknoloġiji u industriji fil-ġejjieni jeħtieġ li jinħolqu clusters reġjonali fil-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż, billi l-kapaċitajiet xjentifiċi u industrijali għal dan huma tajbin;

42.

jilqa’ l-fatt li fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2010, il-Kummissjoni ħabbret Komunikazzjoni dwar “It-tkabbir blu – viżjoni ġdida għal tkabbir sostenibbli fir-reġjuni tal-kosta u ż-żoni marittimi”;

Il-Politika Marittima Integrata

43.

jenfasizza l-fatt li l-politika marittima integrata tal-UE teħtieġ soluzzjonijiet speċifiċi għall-kundizzjonijiet (ġeografiċi, ekonomiċi u politiċi) tal-ibħra reġjonali, u li l-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż huwa baħar reġjonali. L-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-kontroll ta’ politika marittima integrata għal dan ir-reġjun huma parti importanti ta’ strateġija Ewropea għaż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż;

44.

għalhekk jassumi li l-Komunikazzjoni mħabbra mill-Kummissjoni dwar il-politika marittima integrata għall-“Baħar tat-Tramuntana estiż” ser tipproponi kollaborazzjoni iktar stretta bejn il-pajjiżi tar-reġjun u l-objettivi u l-għodda ta’ din il-kollaborazzjoni;

45.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet interessati fir-reġjun huma imsieħba importanti f’dan id-dibattitu, billi jinsabu fl-aqwa pożizzjoni biex jevalwaw liema miżuri huma l-iktar adatti;

Is-sajd

46.

jiddispjaċih li l-politika tas-sajd tal-Unjoni Ewropea s’issa ma laħqitx l-objettivi tagħha biżżejjed u tinsab quddiem sfidi kbar: is-sajd eċċessiv ta’ ħafna speċijiet f’ħafna reġjuni, l-istat ħażin ta’ ħafna stokkijiet – kultant taħt il-livell bijoloġiku massimu –, il-kapaċitajiet ta’ qbid eżaġerati, il-qbid illegali u mhux irregolat, li s’issa għad ma ġiex evitat b’mod effikaċi;

47.

jirrakkomanda li, għal kull żona ta’ qbid, jiġi analizzat u vvalutat liema tip ta’ ġestjoni jaqbel l-iktar mar-reġjun, it-tip ta’ ħut li jinqabad u t-tip ta’ flotta tas-sajd. Barra minn dan, ir-rwol tal-kunsilli konsultattivi reġjonali għandu jissaħħaħ u l-inklużjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali għandha tiġi promossa;

L-ambjent

48.

jinnota li l-iżvilupp ekonomiku u l-interventi dejjem jikbru tal-bniedem ħolqu piż kbir fuq l-ekosistema tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż u wasslu għal problemi ambjentali kbar: l-iskart (eż. basktijiet tal-plastik) fil-baħar u fuq ix-xtut; konċentrazzjoni ikbar ta’ sustanzi kimiċi u metalliċi fl-ilma, tniġġis mill-vapuri u mill-estrazzjoni ta’ żejt u gass fuq il-baħar;

49.

huwa konvint li l-unika mezz biex jittejjeb l-ambjent tal-baħar b’mod sostenibbli (il-kwalità tal-ilma, il-ħarsien tal-bijodiversità) – inkluż fl-estwarji – huwa li l-pajjiżi kollha li jagħtu fuq il-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż jimpenjaw ruħhom li jsegwu objettivi komuni u li jimplimentawhom u jikkontrollawhom b’mod koerenti;

50.

jinnota bi tħassib kbir il-fatt li f’qiegħ il-Baħar tat-Tramuntana u tal-Kanal Ingliż għad hemm ammont kbir ta’ munizzjoni (stmat għal madwar miljun tunnellata) mit-Tieni Gwerra Dinjija u dan huwa ta’ periklu sinifikanti għat-trasport bil-vapuri, l-ambjent u n-nies. Hemm bżonn ta’ skambju ta’ informazzjoni, ta’ kooperazzjoni bbażata fuq il-fiduċja u ta’ programm konġunt ta’ azzjoni sabiex dan il-periklu jitnaqqas u jiġi eliminat;

51.

huwa konvint li qabel ma jiġu ppjanati l-faċilitajiet tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju (CCS) f’qiegħ il-baħar, hemm bżonn li jsiru studji komprensivi li jevalwaw ir-riskji u l-impatti ambjentali tagħhom;

It-tibdil fil-klima – Mitigazzjoni u adattament

52.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ż-żieda fil-livell tal-baħar u r-riskju ikbar għaż-żoni tal-kosta minħabba l-għargħar, f’każ ta’ kundizzjonijiet atmosferiċi estremi kkawżati mit-tibdil fil-klima, għandhom effett speċifiku u simili fuq il-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Kanal Ingliż b’mod partikolari. Ir-reġjuni ta’ mal-kosta tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Kanal Ingliż għandhom jindirizzaw dawn l-isfidi permezz ta’ proġetti konġunti ta’ riċerka, skambju ta’ informazzjoni importanti u l-koordinazzjoni ta’ miżuri konkreti għall-ħarsien tal-kosta;

53.

jinnota li l-pajjiżi tal-Baħar tat-Tramuntana/Kanal Ingliż għandhom ċerta esperjenza fil-qasam tat-tibdil tal-livell tal-baħar ikkawżat mit-tibdil fil-klima. Azzjoni konġunta tar-riċerka u l-iżvilupp tal-għarfien b’hekk tista’ tikkontribwixxi għal żieda fil-kompetittività u għall-protezzjoni tal-ambjent li jgħixu fih iċ-ċittadini;

54.

fl-istess waqt jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-reġjuni tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż jagħtu importanza kbira lill-ħarsien tal-klima u riċerka ambjentali u flimkien ser jisfruttaw bis-sħiħ il-kapaċità reġjonali tagħhom sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Dan qed jagħmluh fil-kuntest ta’ programmi reġjonali għall-ħarsien tal-klima, permezz ta’ żieda fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-promozzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli, kemm offshore kif ukoll onshore, li għandhom jissostitwixxu s-sorsi tal-enerġija tal-karburanti fossili;

55.

jenfasizza l-fatt li ż-żoni tal-kosta u b’mod partikolari l-estwarji l-kbar jeħtieġ li jsiru iktar reżistenti għall-klima b’mod li kemm jista’ jkun tittejjeb il-kwalità tal-ambjent naturali u l-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni tal-kosta u l-art interna;

56.

jistqarr li t-tibdil fil-klima jista’ jkun ta’ piż żejjed fuq l-ekosistemi tal-baħar permezz ta’ tisħin, aċidifikazzjoni tal-ilmijiet u l-migrazzjoni ta’ speċijiet ġodda. Ser ibiddel ukoll il-potenzjal tat-turiżmu fiż-żona. Hemm bżonn li jiġu abbozzati b’mod konġunt xenarji possibbli abbażi ta’ informazzjoni xjentifika sabiex fuqhom tkun tista’ titħejja reazzjoni politika realistika;

L-ippjanar tal-użu tal-art

57.

jenfasizza li l-ġlieda kontra l-impatti transkonfinali b’mod partikolari fi spazju użat b’mod tant intensiv bħalma huwa l-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż titlob żieda fil-koordinazzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet marbutin mal-ippjanar tal-użu tal-kosti u tal-ilmijiet. L-użu dejjem jiżdied ta’ żona speċifika u vulnerabbli għandu jiġi evalwat b’kunsiderazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u l-ħarsien tal-ambjent naturali;

58.

iqajjem il-kwistjoni ta’ jekk hemmx bżonn ta’ liġi tal-minjieri komuni għaż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż biex tiġi stabbilita liġi komuni għall-użu ta’ qiegħ il-baħar bi standards għall-permessi u l-kwistjonijiet ta’ sigurtà. F’dan ir-rigward ikunu utli wkoll regoli dwar it-tpoġġija u l-użu ta’ cables u pipelines f’qiegħ il-baħar;

59.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ż-żona tal-kosta taqdi rwol importanti fil-ħarsien tal-art interna mill-baħar. Fl-istess waqt hija żona naturali u ta’ rekreazzjoni ta’ valur għoli u tikkontribwixxi bil-kbir għall-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu madwar il-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż. Fid-dawl tal-użu differenti li għandha ż-żona (ambjent naturali, rekreazzjoni, ekonomija, sigurtà, residenzjali) hemm bżonn li l-ispazju ta’ mal-kosta jintuża b’mod adatt u effiċjenti u hemm bżonn ta’ pjanar u żvilupp integrati;

L-enerġija

60.

jassumi li fil-Baħar tat-Tramuntana ser tibqa’ tiġi promossa l-estrazzjoni taż-żejt u l-gass naturali. Hemm bżonn ta’ standards u sistemi stretti u komuni tas-sigurtà li jnaqqsu u jillimtaw il-periklu sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun ir-riskji u jkun hemm reazzjoni rapida u effettiva skont il-bżonn;

61.

jenfasizza li minħabba l-kundizzjonijiet ġeografiċi tagħhom il-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż għandhom potenzjal kbir ħafna għall-enerġija rinnovabbli. L-espansjoni f’dan il-qasam hija kruċjali għal politika tal-klima ta’ suċċess. L-enerġija mir-riħ, il-mewġ, il-marea u l-kurrenti għandha potenzjal kbir fiż-żona u huwa fl-interess tar-reġjun kollu li ssir iktar riċerka u li din tiġi promossa. Fid-dawl tal-espansjoni rapida tat-turbini tar-riħ fuq il-baħar, hemm bżonn li jintlaħaq ftehim dwar l-istandards tal-bini tagħhom, is-sigurtà, l-istorbju u t-tniġġis;

62.

jilqa’ l-fatt li l-pjani għal netwerk tal-elettriku fil-Baħar tat-Tramuntana – netwerk komprensiv tat-trasport tal-enerġija – bdew jitwettqu sabiex ikun jista’ jinkiseb il-potenzjal sħiħ ta’ forom ta’ enerġija rinnovabbli. B’riżultat ta’ dan hemm bżonn urġenti ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-imsieħba privati. Jekk ikomplu jiġu żviluppati netwerks intelliġenti, permezz tal-aspetti pożittivi tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, iż-żona tista’ ssir reġjun pilota tal-mobbiltà elettronika.

Riċerka

63.

jitlob li r-riċerka tal-baħar u dik marittima tiġi promossa iktar fi ħdan it-8 Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u li jiġi appoġġjat in-netwerking fil-kuntest ta’ din ir-riċerka. Il-bażi tal-oqsma kollha ta’ azzjoni msemmija huwa l-għarfien xjentifiku dwar l-ekosistemi tal-Baħar tat-Tramuntana u l-istat tiegħu, dwar il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, l-impatt reċiproku tal-użu kompetittiv eċċ;

64.

jissuġġerixxi li titnieda inizjattiva ta’ riċerka mifruxa fuq bosta temi għar-reġjun sabiex jiġi integrat l-għarfien dwar il-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż mid-dixxiplini kollha. Għal dan il-għan jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-esperjenzi li nkisbu mill-Programm BONUS 169 għall-Baħar Baltiku;

Il-kultura

65.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ħajja u x-xogħol fuq il-baħar u fuq il-kosta taw bidu għal tradizzjoni kulturali twila, rikordji u stejjer. Ir-reklamazzjoni tal-art, il-bini tal-vapuri u t-trasport marittimu qdew rwol ċentrali fil-bini tal-kunfidenza u l-identità tan-nies li jgħixu madwar iż-żona tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż. Dawn it-tradizzjonijiet jistgħu jingħataw il-ħajja u jissawru f’forma ta’ identità komuni, karatteristika pożittiva li f’ambjent ta’ kompetizzjoni tiġbed l-attenzjoni lejn iż-żona;

66.

isejjaħ għalhekk għal kooperazzjoni bejn il-mużewijiet u l-istituzzjonijiet kulturali (bħal pereżempju n-North Sea Maritime Museum Network) li huma responsabbli għal dan. Ktieb tal-istorja komuni jista’ jkun għodda tajba biex l-istorja komuni (u separata) taż-żona tinftiehem aħjar;

67.

jenfasizza l-importanza tal-ekonomija kreattiva u kulturali f’bosta reġjuni ta’ madwar il-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż u huwa konvint li dan is-settur ekonomiku ser isir iktar importanti għat-tkabbir u l-impjiegi fiż-żona, b’mod partikolari permezz ta’ programmi ta’ skambju kulturali u akkademiċi u r-rabta bejn il-kultura u t-turiżmu sostenibbli fiż-żona kollha;

Rabtiet ma’ politiki oħra tal-UE

68.

jiġbed l-attenzjoni għal-livell għoli ta’ konverġenza bejn il-punti u t-temi prinċipali ta’ strateġija għar-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż u l-għanijiet u l-linji gwida tal-Istrateġija Ewropa 2020; jemmen li din hija kundizzjoni perfetta għal skambju bejn l-ambizzjonijiet strateġiċi fil-livell tal-UE kollha u għal kooperazzjoni transkonfinali u transnazzjonali intensiva f’makroreġjun speċifiku li jikkonsisti fil-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż;

69.

jemmen li strateġija makroreġjonali għall-pajjiżi tar-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż tista’ tagħti kontributi konkreti u sostenibbli biex tappoġġja l-għanijiet tal-futur tal-Ewropa li huma rrappreżentati b’mod partikolari fl-inizjattivi ewlenin “Unjoni għall-Innovazzjoni”, “Ewropa b’Riżorsi Effiċjenti”, “Politika Industrijali fi żmien il-globalizzazzjoni” u “Ħiliet u Impjiegi Ġodda”;

70.

huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni bejn l-imsieħba nazzjonali, reġjonali u lokali dwar firxa ċara ta’ kwistjonijiet relatati mal-makroreġjun iġġib valur miżjud fl-implimentazzjoni ta’ strateġija ġenerali tal-UE għax fil-proċess jiġu identifikati l-imsieħba adatti u r-riżorsi jiġu mobilizzati u mmirati lejn il-livell makroreġjonali;

71.

jenfasizza l-importanza partikolari tal-kollaborazzjoni bejn l-imsieħba f’makroreġjun għall-implimentazzjoni effiċjenti u b’suċċess tal-Istrateġija Ewropa 2020 fil-lokalitajiet u l-mod kif din tiġi esperjenzata b’mod konkret miċ-ċittadini fil-livelli reġjonali u lokali;

72.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħafna rabtiet ekonomiċi u politiċi li jeżistu bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku. Iż-żewġ żoni marittimi qed jiffaċċjaw sfidi simili, speċjalment fir-rigward tal-ekonomija marittima, il-protezzjoni marittima, it-tibdil fil-klima u l-politika tal-enerġija. Għaldaqstant qed isiru sforzi biex ikun hemm kooperazzjoni mill-qrib bejn iż-żona tal-Baħar Baltiku u dik tal-Baħar tat-Tramuntana. Barra minn hekk, għandu jiġi studjat kif il-proċessi ta’ suċċess użati fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku jistgħu jiġu ttrasferiti għall-Istrateġija tal-Baħar tat-Tramuntana;

73.

jissuġġerixxi li jiġi eżaminat jekk u kif l-għanijiet u l-oqsma tal-politika ta’ koeżjoni jistgħux jintrabtu mal-prijoritajiet li hemm qbil fuqhom fl-istrateġiji makroreġjonali, pereżempju billi dawn jingħataw finanzjament mill-fondi strutturali;

74.

jinnota li r-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż diġà għandu programmi ta’ kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali tal-UE – fuq kollox il-Programm INTERREG IV B għall-Baħar tat-Tramuntana u l-Arka tal-Atlantiku – li jippromovu l-kooperazzjoni u jikkontribwixxu għal koeżjoni aktar mill-qrib tar-reġjuni. Dawn il-programmi, li bejniethom hemm rabta iktar mill-qrib u iktar flessibbli jew li huma mfassla fuq perijodu fit-tul, jistgħu jiġu żviluppati bħala strument importanti għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija għar-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż;

75.

jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tar-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż biex minn issa jużaw iktar l-istrumenti li jappoġġjaw il-kooperazzjoni interreġjonali huma u jfasslu u jiżviluppaw strateġija makroreġjonali;

76.

jisħaq mill-ġdid li hija u titfassal il-politika ta’ koeżjoni għall-2014 tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u li jiżdiedu l-fondi għal dan mingħajr ma jintefa’ piż fuq l-għanijiet 1 u 2 tal-politika ta’ koeżjoni;

Il-governanza

77.

jieħu nota tar-rifjut tripplu tal-Kummissjoni Ewropea – l-ebda regolamenti ġodda, l-ebda istituzzjonijiet ġodda u l-ebda fondi ġodda – fir-rigward tal-iżvilupp tal-istrateġiji makroreġjonali;

78.

huwa tal-fehma li għandu jkun hemm ukoll tliet affirmazzjonijiet:

implimentazzjoni konġunta u monitoraġġ tar-regoli li jeżistu fil-makroreġjuni;

il-ħolqien ta’ pjattaforma/netwerk jew cluster territorjali ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali u Stati Membri bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u taħt ir-responsabbiltà tal-korpi tal-UE;

l-użu miftiehem tal-fondi eżistenti tal-Unjoni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali;

79.

jemmen li għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali għandhom jiġu żviluppati u implimentati forom ġodda ta’ governanza (netwerks, pjattaformi) li huma ffokati fuq azzjoni komuni u għanijiet konkreti. Dawn jistgħu joħolqu u jmexxu ’l quddiem proċessi politiċi mingħajr ma jissottovalutaw il-poteri u l-prerogattivi eżistenti. Struttura bbażata fuq bosta livelli u li tiġbor fiha bosta livelli ta’ governanza, poter, riżorsi u kapaċitajiet tkun tagħmel sens;

80.

ifakkar li l-Konferenza Internazzjonali dwar il-Ħarsien tal-Baħar tat-Tramuntana (1984–2006) wettqet ħidma li qatt ma kienet saret qabel sabiex jintlaħaq ftehim dwar ħarsien imtejjeb tal-Baħar tat-Tramuntana. Il-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Baħar tal-Atlantiku tal-Grigal, inkluż il-Baħar tat-Tramuntana, tal-1998 ħolqot qafas vinkolanti għall-ftehimiet internazzjonali fil-qasam;

81.

jenfasizza li l-Kummissjoni tal-Baħar tat-Tramuntana (KBT) li hija waħda mill-kummissjonijiet ġeografiċi tal-Konferenza tar-Reġjuni Marittimi Periferali (KRMP), hija msieħeb importanti u taħdem għal kooperazzjoni msaħħa fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana u diġà żviluppat ideat għal strateġija għar-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż. Bejn l-Intergrupp dwar il-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni u l-KBT diġà ilu jseħħ skambju mill-qrib. Għandu jkun possibbli li netwerks oħra ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali fiż-żona jagħtu l-kontribut tagħhom għal din il-ħidma;

82.

jenfasizza li l-Assemblea Arc Manche taqdi rwol importanti għar-reġjun tal-Kanal Ingliż u taħdem speċifikament għall-integrazzjoni tal-Kanal Ingliż fi strateġija makroreġjonali komuni mal-Baħar tat-Tramuntana;

83.

huwa konvint li ħidma ta’ kooperazzjoni ma’ dawn il-korpi u ma’ korpi attivi oħrajn (bħall-Forum tal-Baħar ta’ Watten – Wattenmeerforum) u mal-NGOs hija pilastru kruċjali għall-iżvilupp u s-suċċess ta’ strateġiji makroreġjonali;

84.

jistenna li jkun hemm sinerġija mtejba bejn il-fondi disponibbli fil-livell Komunitarju sakemnn ikun hemm fondi speċifiċi disponibbli għall-istrateġiji makroreġjonali. Fid-dawl tad-diversità tat-temi indirizzati, fejn jidħlu strateġiji makroreġjonali, jeħtieġ li jkunu jistgħu jintużaw il-bosta riżorsi Komunitarji disponibbli, jiġifieri mhux fondi strutturali biss iżda anki fost oħrajn is-CIP, il-programm TEN-T, il-programm Marco Polo fil-qasam tat-trasport u l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp;

85.

huwa tal-fehma li l-għan tal-politika għall-makroreġjuni huwa li tikseb azzjoni komuni li hija ddeterminata mill-ġeografija, is-suġġett u ż-żmien. Din għandha għalhekk tiġi inkorporata fi pjan ta’ azzjoni għall-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż 2020;

III.   KONKLUŻJONIJIET

86.

jitlob lill-Istati Membri tal-UE sabiex jappoġġjaw il-passi li ser ikomplu jittieħdu għall-iżvilupp ta’ strateġija makroreġjonali għar-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż fil-livell Ewropew;

87.

huwa tal-fehma li fid-dawl tal-problemi u l-isfidi urġenti, it-tfassil ta’ strateġija Ewropea għar-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż għandha tibda minn issa. Huwa jitlob lill-Kunsill Ewropew sabiex jinkariga lill-Kummissjoni b’dan l-abbozzar u jitlob lill-Parlament Ewropew biex jikkoopera mill-qrib;

88.

jitlob li l-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013 kemm jista’ jkun tinkludi l-istrateġiji makroreġjonali fl-oqsma ta’ kooperazzjoni territorjali tagħha (fil-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali) u jitlob ukoll li qabel l-2013 tiġi adottata strateġija makroreġjonali sabiex il-programmi ta’ ħidma reġjonali għall-perijodu li jmiss jikkontribwixxu kemm jista’ jkun għall-implimentazzjoni konkreta tal-istrateġija;

89.

jenfasizza li Strateġija għaż-żona ġeografika tal-Baħar tat-Tramuntana/il-Kanal Ingliż għandha tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Għandha tindirizza kwistjonijiet u problemi li ma jistgħux jiġu solvuti esklużivament fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali.

90.

jenfasizza li t-tfassil tal-istrateġija għandu jiġi akkumpanjat minn konsultazzjoni pubblika wiesgħa. Dan għandu jsir f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat tar-Reġjuni bħala r-rappreżentant tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u b’mod partikolari mal-Kummissjoni tal-Baħar tat-Tramuntana tal-KPKR, l-Assemblea Arc Manche u atturi importanti oħra. In-Norveġja u l-Islanda li huma membri taż-ŻEE għandhom jiġu involuti wkoll;

91.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex sa minn qabel l-2013, tagħti l-mezzi ta’ għajnuna teknika għat-tfassil tal-istrateġiji makroreġjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jsiru parti mill-perspettiva finanzjarja futura tal-Unjoni Ewropea;

92.

jipproponi lill-Kummissjoni Ewropea biex tippromovi l-iżvilupp ta’ strateġija makroreġjonali għar-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana u l-Kanal Ingliż sal-2013 anki fil-qafas tal-Programmi għall-kooperazzjoni territorjali transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali, b’mod speċjali l- INTERREG IV B u programmi oħra bħall-EPSON; b’dan il-mod id-direttivi u l-konvenzjonijiet Ewropej li diġà japplikaw għaż-żona jsiru ċari;

93.

jilqa’ l-fatt li l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi fih il-pubblikazzjoni ta’ Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ Politika Marittima Integrata għall-Baħar tat-Tramuntana l-Kbir;

94.

jemmen li hemm bżonn urġenti li r-rwol u l-funzjoni tal-makroreġjuni jiġu eżaminati u stabbiliti b’mod aktar preċiż fi Green Paper. Il-Kumitat tar-Reġjuni diġà talab lill-Kummissjoni tagħmel dan fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2010;

95.

jitlob lill-President tal-Kumitat iressaq din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja quddiem il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-presidenza attwali tal-Kunsill u l-imsieħba tagħha fit-trio presidenzjali 2010–2011.

Brussell, 5 ta’ Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


18.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/34


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa”

2011/C 15/07

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa' b'sodisfazzjon l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-għan ġenerali tal-Aġenda Diġitali huwa li jitqassmu benefiċċji sostenibbli ekonomiċi u soċjali minn suq diġitali uniku bbażat fuq internet u applikazzjonijiet interoperabbli veloċi u veloċi ħafna. L-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali tiddependi mill-livell ġust ta' ambizzjoni u impenn, li ser jagħti l-qawwa lill-Ewropa li tibni mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq l-għarfien, ekonomija b'użu baxx tal-karbonju u rata għolja ta' impjiegi;

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fost ir-riċevituri ewlenin tar-rakkomandazzjonijiet tal-aġenda u jistgħu jkunu forza mexxejja ewlenija għall-implimentazzjoni tagħha. Il-prijoritajiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa fil-livell lokali u reġjonali huma prerekwiżiti għall-kwalità tal-ħajja u l-attività soċjali u ekonomika taċ-ċittadini, u ser jistimulaw servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u personalizzati kif ukoll in-negozji lokali;

jenfasizza li s-Suq Diġitali Uniku huwa pedament essenzjali tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa li jippermetti li jinħoloq suq pan-Ewropew ta' suċċess, ħaj u li qed jikber għall-ħolqien u d-distribuzzjoni ta' kontenut diġitali legali u servizzi elettroniċi, kif ukoll biex il-konsumaturi jingħataw aċċess faċli, sigur u flessibbli għall-kontenut diġitali u s-swieq tas-servizzi;

jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tissemplifika ċ-ċertifikazzjoni, il-ġestjoni u l-liċenzjar transkonfinali tad-drittijiet tal-awtur bit-tisħiħ tal-governanza, it-trasparenza u l-liċenzjar pan-Ewropew għall-ġestjoni tad-drittijiet elettroniċi, bil-ħolqien ta' qafas legali li jiffaċilita u jiddissemina xogħlijiet kulturali fl-Ewropa;

jindika li, meta tinbena l-infrastruttura tal-internet u jiġu żviluppati s-servizzi li toffri, jkun essenzjali li jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta' sigurtà jintlaħqu f'kull livell bħala garanzija tal-livelli ottimali ta' privatezza u ħarsien tad-data personali. Hawnhekk hija importanti l-prevenzjoni ta' kull rintraċċar mhux awtorizzat ta' informazzjoni personali u tal-profili.

Relatur

:

Markku Markkula (FI/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Belt ta' Espoo

Dokument ta' referenza

:

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Diġitali għall-Ewropa

COM(2010)245 finali

I.   DAĦLA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa' b'sodisfazzjon l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, waħda mis-seba' inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020. L-għan ġenerali tal-Aġenda Diġitali huwa li jitqassmu benefiċċji sostenibbli ekonomiċi u soċjali minn suq diġitali uniku bbażat fuq internet u applikazzjonijiet interoperabbli veloċi u veloċi ħafna. L-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali tiddependi mill-livell ġust ta' ambizzjoni u impenn, li ser jagħti l-qawwa lill-Ewropa li tibni mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq l-għarfien, ekonomija b'użu baxx tal-karbonju u rata għolja ta' impjiegi;

2.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma fost ir-riċevituri ewlenin tar-rakkomandazzjonijiet tal-aġenda u jistgħu jkunu forza mexxejja ewlenija għall-implimentazzjoni tagħha. Il-prijoritajiet tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa fil-livell lokali u reġjonali huma prerekwiżiti għall-kwalità tal-ħajja u l-attività soċjali u ekonomika taċ-ċittadini, u ser jistimulaw servizzi pubbliċi aktar effiċjenti u personalizzati kif ukoll in-negozji lokali;

3.

jenfasizza li fost il-parteċipanti tas-settur pubbliku, l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-aktar viċin tan-nies komuni u huma responsabbli għall-aktar servizzi importanti li jolqtu l-benesseri taċ-ċittadini. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ħtieġa urġenti li jużaw il-potenzjal teknoloġiku ġdid, b'mod speċjali minħabba l-kriżi ekonomika u l-bidliet fl-istruttura demografika u l-ħtiġijiet tan-nies. Flimkien, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-attivitajiet ta' negozju assoċjati u t-tielet settur jista' jkollhom l-aħjar opportunitajiet biex jisfruttaw l-innovazzjoni. Hija ta' importanza kritika l-effettività li biha l-għarfien prodott mill-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka huwa applikat fil-livell lokali u reġjonali;

4.

ifakkar li l-KtR minn dejjem talab li jkun hemm investiment fir-riċerka fl-ICT sabiex jiġu żgurati t-tkabbir u t-trawwim ta' negozji ġodda, filwaqt li jemmen li permezz tal-użu tal-ICT biss jista' jkun hemm iktar innovazzjoni biex din tindirizza sfidi soċjoekonomiċi ewlenin madwar l-Ewropa;

5.

jagħraf li s-servizzi elettroniċi tal-gvern s'issa kienu jikkonsistu wisq fit-trasferiment tal-burokrazija bil-karti għal dik elettronika. L-UE u l-Istati Membri għandhom ikunu minn ta' quddiem biex jagħtu spinta lill-isforzi fil-livell Ewropew u nazzjonali b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex tinkiseb bidla akbar fil-proċeduri u l-istrutturi tal-gvern, bl-użu tal-ICT biex jitjiebu s-sens, il-kwalità u l-produttività tal-ħidma u l-effiċjenza tal-awtoritajiet pubbliċi bil-għan li titnaqqas il-burokrazija għall-pubbliku ġenerali u n-negozju;

6.

huwa tal-fehma li l-azzjonijiet proposti fil-Komunikazzjoni, kif inhuma, ma jidhrux li qed iqajmu xi kwistjoni dwar il-konformità tagħhom mal-prinċipji tas-sussidjarjetà jew tal-proporzjonalità. Madankollu jenfasizza li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jiġu involuti sistematikament waqt it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-miżuri mfasslin biex tidħol fis-seħħ l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (b'mod partikolari fir-rigward tal-oqsma ta' azzjoni li ġejjin: l-interoperabbiltà u standards, l-aċċess veloċi u ultraveloċi għall-internet, it-titjib tal-litteriżmu, il-ħiliet u l-inklużjoni diġitali, u l-benefiċċji li joħorġu mill-ICT għas-soċjetà tal-UE, pereżempju b'rabta mas-servizzi tal-Gvern-e, it-tibdil fil-klima u s-sistemi tat-trasport intelliġent).

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA

L-applikazzjoni effettiva hija obbligatorja

7.

jilqa' l-għan tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa sabiex din tagħmel l-Ewropa ċentru ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fil-livell globali;

8.

ifakkar il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (Laqgħa tal-Kunsill għat-Trasport, it-Telekomunikazzjonijiet u l-Enerġija fil-31 ta' Mejju 2010) (1), li fost affarijiet oħra jgħidu li:

l-Ewropa għandha tinkoraġġixxi l-ekonomija diġitali biex tuża' l-kapaċità ta' faċilitazzjoni u dik transettorjali tagħha biex iżżid il-produttività u l-kompetittività ta' setturi oħra u tieħu vantaġġ mill-ICT biex tiffaċċja l-isfidi globali aħjar, bħat-trasformazzjoni għal ekonomija b'użu baxx tal-karbonju u b'użu effiċjenti tar-riżorsi u l-ħolqien ta' aktar impjiegi ta' kwalità aħjar,

l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa taqdi rwol ewlieni fl-“Istrateġija Ewropa 2020” u għandha tkun konsistenti mal-komponenti l-oħra ta' din l-istrateġija u mal-inizjattivi l-oħra ewlenin fil-futur, fosthom “Unjoni ta' Innovazzjoni” u “Politika industrijali għall-era tal-globalizzazzjoni”,

il-pożizzjoni kompetittiva tal-Ewropa trid tissaħħaħ f'dan is-settur importanti permezz tal-isforzi ta' tisħiħ tar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni dwar l-ICT u tat-triangolu tal-għarfien,

il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mistiedna jfittxu l-mezzi biex itejbu l-koordinament orizzontali bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali biex titjieb l-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa;

9.

ifakkar ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2010 dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa ġdida li tiddikjara: “L-Ewropa tista' biss taħsad il-benefiċċji ta' din ir-rivoluzzjoni diġitali jekk kull ċittadin tal-UE jiġi mobilizzat u jingħata s-setgħa li jipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà diġitali l-ġdida, u jekk il-persuna titqiegħed fil-qofol tal-azzjoni ta' politika” u “filwaqt li din ir-rivoluzzjoni diġitali ma tistax tibqa” titqies bħala evoluzzjoni mill-passat industrijali iżda bħala proċess ta' trasformazzjoni radikali'; (2)

10.

jagħraf li s-soċjetà tal-informazzjoni kienet aċċelleratur kbir tal-progress ekonomiku u soċjali. It-transizzjoni meħtieġa minn soċjetà tal-informazzjoni għal soċjeta tal-għarfien ekoloġiku tista' titqies ukoll bħala bidla fil-mudell. L-importanza tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tista' tiġi spjegata mill-fatt li l-implimentazzjoni b'suċċess ta' din l-inizjattiva hija prerekwiżit għas-suċċess tal-inizjattivi l-oħra ewlenin tal-Istrateġija UE 2020;

11.

jirrikonoxxi li l-kwalità tas-soċjetà hija ddeterminata ħafna mill-kapaċità tagħha li tiġġenera tagħlim ġenwin u ħidma flimkien, u li tipproduċi għarfien ġdid b'viżjoni. Minħabba f'hekk, is-soċjetà tagħna timponi rekwiżiti kompletament ġodda fuq il-metodi tax-xogħol, il-kulturi tax-xogħol, il-validità tal-informazzjoni, il-litteriżmu fix-xandir, eċċ.;

12.

jinnota li d-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni biddlu l-proċessi tan-negozju rapidament. Studji tal-OECD juru li l-ICT għandha impatt mifrux sew fuq ir-rendiment ekonomiku u s-suċċess tal-kumpaniji individwali, b'mod partikolari meta din tkun ikkombinata mal-investiment fil-ħiliet, il-bidla organizzattiva, l-innovazzjoni u l-ħolqien ta' negozju ġdid; (3)

13.

jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa ma tistax tiġi sseparata mill-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja u mill-kapital uman u mill-miżuri meħtieġa biex dawn jiġu promossi. Is-soluzzjoni għas-suċċess hija marbuta ma' kemm il-komunitajiet tax-xogħol tal-UE u l-pubbliku ġenerali, jiġifieri l-inidividwi u l-komunitajiet differenti, jistgħu jitħeġġu li jieħdu sehem attiv fil-ħolqien ta' Ewropa sostanzjalment aktar innovattiva u produttiva, u ma' kemm dan isir b'mod tajjeb u jkun mifrux sew mal-UE. Biex ikollha suċċess komplet, l-attivitajiet innovattivi fil-livell lokali, l-intraprenditorija, il-kumpaniji li jfittxu tkabbir u b'mod partikolari l-inizjattivi innovattivi ta' sħubija pubbliċi, tan-negozju u tat-tielet settur jeħtieġu impenn politiku qawwi fil-livelli kollha (UE, Stati Membri, awtoritajiet lokali u reġjonali);

14.

jenfasizza li l-kapaċitajiet biex l-iħaffu l-pass tal-proċessi ta' innovazzjoni u l-implimentazzjoni rapida huma fatturi kritiċi għas-suċċess f' soċjetajiet magħqudin f' netwerks Dan jeħtieġ aktar benchmarking u kooperazzjoni bejn ir-reġjuni u l-bliet sabiex dawn jiffaċċjaw l-isfidi b' soluzzjonijiet innovattivi u japplikaw l-aħjar prattiki għaċ-ċirkostanzi u kulturi lokali;

15.

jenfasizza li approċċ apert, il-kunċett tal-użu mill-ġdid kif ukoll in-newtralità teknoloġika għandhom ikunu l-prinċipji gwida waqt l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi;

L-aħjar użu tal-potenzjal tal-Ewropa

16.

jenfasizza li l-potenzjal sħiħ Ewropew fl-iżvilupp ta' servizzi tal-ICT fis-settur privat u dak pubbliku għandu jkun sfruttat b'mod sħiħ, u għaldaqstant l-ICT għandha tintuża bħala mezz sabiex jitjiebu s-servizzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f'oqsma bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, ż-żamma tal-ordni, s-sigurtà u s-servizzi soċjali. Is-sħubijiet pubbliċi-privati appoġġjati mill-UE li jinvolvu l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-SMEs li jiżviluppaw l-ICT fil-qasam tas-servizzi pubbliċi tal-ICT jistgħu jservu ta' pilastri sabiex fuqhom jinbnew kompetenzi u għarfien lokali mal-UE kollha; (4)

17.

ifakkar li s-Suq Diġitali Uniku jipprovdi numru kbir ta' opportunitajiet għaċ-ċittadini kollha, mhux biss bħala xerrejja iżda wkoll bħala intraprendituri u professjonijiet tal-għarfien oħra fi ħdan industriji kreattivi u negozji oħra;

18.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa teħtieġ bidla prinċipali fil-mentalità madwar l-Ewropa kollha: rieda b'saħħitha li naħdmu b'mod orizzontali u multidixxiplinari, biex jingħelbu l-konfini tradizzjonali, jitkissru s-silos u jkun hemm bidla fl-approċċ lejn il-kollaborazzjoni. L-effett mixtieq ma jistax jinkiseb permezz ta' proġetti ta' żvilupp konvenzjonali. Proġetti pijunieristiċi kbar li jużaw l-aqwa esperti Ewropej bil-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha ikkonċernati joffru mezz biex tintlaħaq il-bidla meħtieġa. Trid tingħata attenzjoni speċjali lid-disseminazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riżultati tal-proġetti fil-livell lokali;

19.

jenfasizza l-fatt li l-Ewropa teħtieġ aktar riċerka u innovazzojni li hija ffukata fuq il-bżonnijiet ta' utenti reali. Laboratorji ħajjin bħala pjattaforma għall-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u l-industrija huwa kunċett li jolqot l-Ewropa kollha u li jeħtieġ li jiġi żviluppat aktar bis-sehem tal-utenti aħħarin. Proċessi tas-servizzi li jaħdmu tajjeb jippermettu lill-utenti jkollhom parti attiva fir-riċerka u l-innovazzjoni u jħeġġu t-tagħlim kontinwu mill-partijiet interessati kollha. Dan jista' jkollu impatt qawwi pożittiv fit-tiġdid tal-proċessi tas-servizzi fil-livell lokali u t-tkabbir tal-kooperazzjoni reġjonali. L-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għandha tinkludi inċentivi mmirati li jimmotivaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-universitajiet jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw il-kunċetti ta' laboratorji ħajjin meħtieġa;

20.

jisħaq li aċċess għal broadband ta' kwalità għolja bi prezz raġonevoli jista' jżid il-kwalità tal-ħajja għaċ-ċittadini u tas-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, waqt li jkun iktar faċli għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju biex joffru l-prodotti tagħhom għall-bejgħ. Reġjuni u komunitajiet remoti, b'mod speċjali dawk ultraperiferiċi, huma mistennija jibbenefikaw b'mod konsiderevoli minn aċċess usa' u iktar veloċi għas-servizzi tal-broadband; (5)

21.

jappella lill-bliet u lir-reġjuni li jaħdmu flimkien biex joħolqu l-massa kritika meħtieġa għal soluzzjonijiet ġodda innovattivi. L-UE u l-Istati Membri għandhom joħolqu kondizzjonijiet favorevoli għal tipi ġodda ta' akkwist pubbliku prekummerċjali, biex tiżdied il-kapaċità tas-settur pubbliku għal innovazzjonijiet gradwali u anke radikali. L-effiċjenza enerġetika u t-traffiku intelliġenti huma eżempji ta' oqsma fejn hemm bżonn ta' żviluppi radikali ġodda biex jgħinu l-applikazzjonijiet lokali;

22.

jindika li l-ġestjoni tal-ambjent mibni u tal-ippjanar urban huma setturi li għandhom impatt qawwi fuq l-ekonomija lokali kif ukoll fuq il-kwalità tal-ambjent tal-ħajja. Żviluppi ġodda fil-ġestjoni tal-informazzjoni jista' jkollhom rwol kruċjali fil-ksib tal-objettiv tat-twaqqif ta' reġim ġdid u ambizzjuż tal-klima. L-immudellar tal-informazzjoni dwar il-bini (Building Information Modelling – BIM) qed jintuża attivament fil-ġestjoni tal-faċilitajiet sabiex jipprovdi rappreżentazzjoni diġitali tal-karatteristiċi fiżiċi u funzjonali ta' faċilità. Il-kunċetti tal-immudellar tal-informazzjoni dwar il-bini għandhom jiġu estiżi għall-ippjanar reġjonali u urban. Dan jista' jservi bħala riżors ta' għarfien komuni għal żona, li jifforma bażi affidabbli għall-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja, l-iżvilupp tal-proċess tan-negozju mmexxi mill-utent u t-teħid ta' deċiżjonijiet li joħloq valur;

Suq diġitali uniku ħaj

23.

jenfasizza li s-Suq Diġitali Uniku huwa pedament essenzjali tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa li jippermetti li jinħoloq suq pan-Ewropew ta' suċċess, ħaj u li qed jikber għall-ħolqien u d-distribuzzjoni ta' kontenut diġitali legali u servizzi elettroniċi, kif ukoll biex il-konsumaturi jingħataw aċċess faċli, sigur u flessibbli għall-kontenut diġitali u s-swieq tas-servizzi;

24.

jindika li l-ftuħ tal-aċċess għall-informazzjoni tas-settur pubbliku jibbenefika lis-soċjetà kollha. L-iżvilupp ta' prattiki ġodda bl-użu ta' data aperta kollegata (linked open data) huwa pass lejn proċessi ta' servizzi ffukati fuq l-utent. Benefiċċji oħra jistgħu jkunu servizzi innovattivi, mudelli ġodda ta' negozju u effiċjenza msaħħa fis-settur pubbliku u għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku;

25.

jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu ta' Europeana, librerija, mużew u arkivji elettroniċi tal-Ewropa, bil-għan li l-wirt kulturali u xjentifiku Ewropew isir aċċessibbli għal kulħadd fuq l-internet (6). L-aċċessibbiltà għall-wirt kulturali Ewropew hija strument ewlieni fil-promozzjoni tal-komprensjoni tad-diversità kulturali, it-tisħiħ u l-għaqda tan-nies f'Ewropa multilingwi u multikulturali, u żżid il-potenzjal ekonomiku f'oqsma bħat-turiżmu u t-tagħlim;

26.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta' standards komuni Ewropej għall-messaġġi elettroniċi fil-kummerċ-e, speċjalment il-fatturar, huwa wieħed mill-akbar ostakoli tekniċi kbar għall-ħolqien ta' suq diġitali uniku li jaħdem;

27.

jappoġġja l-proposta li d-Direttiva dwar il-Firem-e tiġi riveduta bil-ħsieb li tipprovdi qafas legali għall-għarfien transkonfinali u interoperabbiltà ta' sistemi sikuri tal-Awtentikazzjoni-e;

28.

jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tissemplifika ċ-ċertifikazzjoni, il-ġestjoni u l-liċenzjar transkonfinali tad-drittijiet tal-awtur bit-tisħiħ tal-governanza, it-trasparenza u l-liċenzjar pan-Ewropew għall-ġestjoni tad-drittijiet elettroniċi, bil-ħolqien ta' qafas legali li jiffaċilita u jiddissemina xogħlijiet kulturali fl-Ewropa;

29.

jisħaq fuq il-ħtieġa ta' bilanċ bejn id-drittijiet tal-utenti u dawk tas-sidien tal-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (DPI). Miżuri ta' ħarsien tad-drittijiet intellettwali tal-awtur m'għandhomx ifixklu d-drittijiet tal-utenti milli jużaw il-kontenut diġitali kif jistgħu b'kontenut f'format analogu. Lanqas m'għandhom id-drittijiet għall-aċċess taċ-ċittadini għall-kontenut elettroniku jew li jesprimu lilhom infushom jiġi limitat mill-filtri tal-kontenut jew in-negazzjoni tal-aċċess għan-netwerk fl-interess tal-ħarsien tad-drittijiet intellettwali tal-awtur;

Interoperabbiltà u standards

30.

jilqa' l-proposta għal riforma tar-regoli dwar l-implimentazzjoni tal-istandards tal-ICT fl-Ewropa biex ikun possibbli l-użu ta' ċerti fora tal-ICT u ta' standards tal-konsorzji u jittama' li l-Kummissjoni tagħti definizzjoni ta' ħidma lil dawn l-istandards, kemm jekk jissejħu standards aperti jew jekk jissejħu speċifikazzjonijiet aperti;

31.

jaqbel li l-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-impenji dwar l-interoperabbiltà u l-istandards stabbiliti mid-Dikjarazzjonijiet Ministerjali Malmö u Granada, speċjalment rigward l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet miftuħin;

32.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jiġu inklużi u jipparteċipaw b'mod attiv f'kooperazzjoni wiesgħa sabiex itejbu l-interoperabilità tal-amministrazzjoni pubblika u l-effettività tas-servizzi pubbliċi (7);

Il-fiduċja u s-sigurtà

33.

jenfasizza li l-pjattaformi parteċipattivi l-ġodda u s-servizzi interattivi ta' kokreazzjoni (Web 2.0 u aktar avvanzati), fejn l-utenti saru atturi attivi, produtturi jew “produmaturi” joffru opportunità mingħajr preċedent biex il-kreattività taċ-ċittadini Ewropej tingħata żvog. Huwa essenzjali li jinħoloq ambjent u kultura ta' ftuħ u fiduċja li jrawmu dawn l-iżviluppi;

34.

jindika li, meta tinbena l-infrastruttura tal-internet u jiġu żviluppati s-servizzi li toffri, jkun essenzjali li jiġi żgurat li r-rekwiżiti ta' sigurtà jintlaħqu f'kull livell bħala garanzija tal-livelli ottimali ta' privatezza u ħarsien tad-data personali. Hawnhekk hija importanti l-prevenzjoni ta' kull rintraċċar mhux awtorizzat ta' informazzjoni personali u tal-profili (8);

35.

isejjaħ għal taħriġ estensiv dwar il-kwistjonijiet relatati mal-fiduċja u s-sigurtà għall-impjegati kollha, l-aktar immirat għat-tekniċi speċjalizzati (pereżempju netwerks, sistemi, sigurtà, privatezza eċċ.), impjegati li jaħdmu direttament mal-proċeduri tas-sigurtà li jinvolvu metodoloġiji differenti, kif ukoll impjegati li huma involuti b'mod ġenerali jew indirettament fl-innovazzjoni u l-ixprunar tal-modernizazzjoni (pereżempju t-tagħlim tal-kompetenzi diġitali lill-konsumaturi) ta' kwistjonijiet relatati mal-fiduċja u s-sigurtà;

36.

jenfasizza bil-qawwa r-responsabbiltà ta' dawk li jipproduċu l-kontenut u l-fatt li l-ġlieda kontra l-kontenut illegali u ta' ħsara għandha sseħħ mingħajr ma jiġu imposti restrizzjonijiet fuq il-fluss ħieles tal-informazzjoni (filtraġġ tal-kontenut, li jintuża minn diversi Stati Membri, li jwaqqaf ukoll kontenut li m'għandux iwaqqaf, u li tipikament m'għandux proċess ta' trasparenza u ta' rendikont). Hemm bżonn li jinstabu l-mezzi biex jitħarsu b'mod partikolari l-utenti vulnerabbli. Bl-istess mod, irid jinstab mezz kif il-kontenut ta' ħsara jiġi monitorjat u jitneħħa mill-internet mis-sors;

Aċċess għall-internet veloċi u veloċi ħafna

37.

jiġbed l-attenzjoni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol prinċipali x'jaqdu biex jikkontribwixxu ħalli jiġi assigurat aċċess ugwali u bi prezz aċċessibbli għall-broadband f'oqsma, pereżempju, fejn is-suq ma jkunx biżżejjed, li jmexxu proġetti piloti bil-għan li titnaqqas il-firda fl-aċċessibilità elettronika, u li jiżviluppaw approċċi ġodda lejn servizzi elettroniċi pubbliċi ċċentrati fuq in-nies; (9)

38.

jipproponi li l-fondi u miżuri oħra ta' appoġġ għandhom jiffavorixxu l-implimentazzjoni ta' netwerks tal-broadband b'aċċess apert li huwa bbażat fuq struttura ta' netwerk bi strati orizzontali (horizontally layered network architecture) u mudell ta' negozju li jissepara l-aċċess fiżiku għan-netwerk mill-forniment tas-servizz. In-netwerk tal-fibra ottika attwali għandhom ikunu miftuħin għall-kompetizzjoni;

39.

ifakkar li infrastruttura effettiva tas-soċjetà tal-informazzjoni trid tiġi ggarantita lill-membri kollha tal-popolazzjoni irrispettivament minn fejn jgħixu. Il-konnessjonijiet tal-komunikazzjoni veloċi u operattivament affidabbli, flimkien ma' servizzi bla fil u mobbli effiċjenti, għandhom rwol importanti fil-promozzjoni tal-kompetittività reġjonali, l-aċċessibbiltà u l-ugwaljanza bejn in-nies;

40.

jisħaq fuq l-importanza tal-garanzija tad-disponibbiltà tal-ispettru għas-servizzi tar-radju għall-broadband bla fili f'żoni remoti u b'popolazzjoni baxxa u jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tikkoordina l-kondizzjonijiet tekniċi u regolatorji li japplikaw għall-użu tal-ispettru u l-armonizzazzjoni tal-faxxi biex jinħolqu ekonomiji tal-iskala fis-swieq tat-tagħmir u biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jużaw l-istess tagħmir u l-istess servizzi madwar l-UE;

Titjib fil-litteriżmu diġitali, il-ħiliet u l-inklużjoni

41.

jagħraf it-trasformazzjoni kontinwa tas-sistema edukattiva, fejn hemm bżonn ta' bidliet, xi wħud fosthom anke radikali. L-edukazzjoni m'għadhiex trid toffri ammont kbir ta' informazzjoni. Għall-kuntrarju, l-essenza tal-edukazzjoni hija li wieħed jitgħallem kif jitgħallem, jiġifieri li tgħin lin-nies itejbu il-ħila tagħhom li jitgħallmu, biex b'hekk ikunu jistgħu jiksbu u jipproċessaw l-informazzjoni huma stess. Hawnhekk, il-litteriżmu diġitali għandu importanza kbira;

42.

jenfasizza li wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa hu li jiġu promossi l-aċċessibbiltà u l-utilità tas-Servizzi-e u tal-informazzjoni pubblika. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa għandha tkun xprun għall-integrazzjoni sħiħa tal-ICT fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-litteriżmu, il-ħiliet u l-kompetenzi diġitali jirrikjedu attivitajiet speċifiċi u ambjenti ta' tagħlim effettivi għal kulħadd;

43.

jemmen li l-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' skambju ta' ħiliet elettroniċi fl-Ewropa għandu l-potenzjal li jimpenja u jerġa' jagħti ħiliet lil gruppi ta' udjenza addizzjonali li, f'xi każijiet, ma tantx jiġu indirizzati mill-offerti ta' tagħlim ta' ħiliet elettroniċi kummerċjali jew akkademiċi. Possibbiltajiet bis-saħħa tal-ICT għal arranġamenti ta' xogħol flessibbli u xogħol mill-bogħod joffru potenzjal kbir għal mezzi ġodda ta' impjiegi fost dawn il-gruppi ta' ċittadini. Dawn l-inizjattivi ser jeħtieġu sħubijiet pubbliċi-privati, b'mod partikolari peress li s-servizzi kummerċjali u l-faċilitajiet ta' tagħlim jeħtieġu adattament speċifiku għall-ħtiġijiet ta' gruppi individwali;

44.

jenfasizza l-ħtieġa ta' pijunieri reġjonali u lokali Ewropej biex tiġi ffaċċjata l-isfida tat-tixjiħ demografiku bl-applikazzjoni ta' soluzzjonijiet sistemiċi ġodda megħjuna mill-ICT u jappella għal kunċetti innovattivi megħjuna mill-ICT sabiex l-Ewropa tkun tista' tassumi rwol ta' tmexxija fit-tixjiħ attiv f'dinja diġitalizzata;

45.

jisħaq li l-libreriji jipprovdu mezz utli u effettiv għall-offerta ta' servizzi tal-informazzjoni komprensivi għall-pubbliku ġenerali irrispettivament mill-livell soċjali. L-aħjar prattika Ewropea tidher fejn il-libreriji żviluppaw bħala ċentri ta' servizzi kulturali u tal-informazzjoni diġitali u jinsabu f'postijiet minn fejn in-nies jgħaddu regolarment, eż. iċ-ċentri kummerċjali. Minħabba f'hekk, il-kontenut tas-servizzi l-ġodda u tax-xandir diġitali ġdid m'għandux jitħejja biss fuq il-bażi tal-kriterji ekonomiċi iżda għandu jiġu żviluppat skont il-ħtiġijiet soċjali u kulturali;

46.

jenfasizza li implimentazzjoni effettiva trid tqis il-fatt li s-setturi tal-kultura u tal-kreattività jipprovdu kontenut lit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u b'hekk jikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħhom. L-Aġenda Diġitali għandha rwol importanti biex jintlaħaq il-potenzjal li hemm f'dawn is-setturi u biex jitwaqqaf suq uniku u sikur tal-kontenut u s-servizzi elettroniċi ta' natura kulturali u kreattiva. Biex il-patrimonju kulturali Ewropew jintuża aħjar, huwa meħtieġ li d-diġitalizzazzjoni tiegħu tiġi appoġġjata b'mod attiv.

Benefiċċji għas-soċjetà tal-UE bis-saħħa tal-ICT

47.

jirrakkomanda li tingħata prijorità għolja lill-iżvilupp ta' kunċetti u metodi assistiti mill-ICT u li r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp jiġu disseminati u implimentati b'rabta mal-proċessi fil-ħajja reali. Eżempju tajjeb ta' dan it-tip ta' attività huwa l-Programm tal-Kompetittività u tal-Innovazzjoni, li huwa pjattaforma eċċellenti għall-promozzjoni tal-introduzzjoni ta' applikazzjonijiet futuri tal-internet. Il-Programm tal-Kompetittività u tal-Innovazzjoni għandu jittejjeb billi jingħata iktar finanzjament sostanzjali għad-disseminazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riżultati ta' proġetti li rnexxew fil-livell lokali u reġjonali;

48.

jemmen li huwa importanti li jintużaw il-metodi tat-teknoloġija diġitali bħala mezz biex jippromovu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini. Pereżempju, għandhom jinħolqu diskussjonijiet diġitali u ambjenti tax-xogħol fil-livell lokali u reġjonali fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-iżvilupp ta' servizzi ta' kuljum viċin tagħhom;

49.

jenfasizza l-fatt li l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa għandha potenzjal enormi bħala inċentiv għar-reġjuni u l-muniċipalitajiet biex jirriformaw il-proċess tagħhom tas-servizzi u tal-produzzjoni f'qafas ta' kooperazzjoni Ewropea. Reġjuni u muniċipalitajiet minn madwar l-Ewropa għandhom jirrevedu l-istrutturi tagħhom stess, kif ukoll il-metodi u l-proċessi ta' xogħol, fuq il-bażi ta' benchmarking u kooperazzjoni ma' xulxin, kif ukoll ma' universitajiet u n-negozji. Il-kooperazzjoni u l-iffinanzjar fil-livell tal-UE għandu jippermetti wkoll teħid ta' riskju aktar kuraġġuż. L-UE għandha tadotta prattika ġdida fejn l-investiment ikun gwidat mill-idea li ċerti awtoritajiet lokali u reġjonali huma pijunieri, riċerkaturi attivi, u entitajiet li jesperimentaw u jieħdu d-deċiżjonijiet, jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda għall-futur u għall-benefiċċju ta' kulħadd;

50.

jenfasizza bil-qawwa l-importanza li l-proċessi tas-servizzi jingħataw ħajja ġdida kemm fis-settur pubbliku kif ukoll dak privat għall-benefiċċju tal-proċessi ta' inġinerija mill-ġdid bis-saħħa tal-ICT. It-tħaffif tal-fatturar elettroniku u l-identifikazzjoni elettronika jeħtieġu pijunieri, kooperazzjoni u standardizzazzjoni;

Riċerka u Innovazzjoni

51.

jenfasizza l-importanza tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, u jagħraf li l-prijoritajiet tematiċi tiegħu – is-soċjetà futura tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, it-tibdil fil-klima u l-enerġija sostenibbli – huma ta' importanza kbira għall-Istrateġija UE 2020. L-Istitut jista' jkollu impatt prattiku fil-livell lokali u reġjonali bl-iżvilupp u l-promozzjoni ta' kunċetti u prattiki ġodda għall-innovazzjoni reġjonali u lokali. Dan jeħtieġ li xi awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu lesti jinvestu suffiċjentament fl-iżvilupp tar-reġjuni tagħhom biex isiru laboratorju għall-attività tal-Istitut u laboratorju ħaj tal-attivitajiet li fihom gruppi differenti ta' ċittadini u komunitajiet jagħtu kontribut attiv li jiffoka fuq l-utent;

52.

jindika li anki l-istituzzjonijiet iż-żgħar fil-livell reġjonali u lokali jistgħu jipproduċu għarfien ta' interess dinji f'xi oqsma ristretti speċjalizzati, l-aktar meta huma jipparteċipaw f'netwerks globali u jikkollaboraw ma' negozji bbażati fuq l-għarfien (10);

53.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni li tkompli tiżviluppa l-kunċetti tat-Trijangolu tal-Għarfien u tal-Laboratorji Ħajjin, li jżidu s-sinerġiji bejn attivitajiet differenti, għandhom relevanza kbira għall-isfidi reali tal-ħajja u għas-soluzzjoni tal-problemi li fihom id-dimensjoni reġjonali hija parti naturali;

54.

jikkonferma r-rieda tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jieħdu sehem dejjem aktar attiv fil-promozzjoni tal-applikazzjonijeit tax-xjenza, it-teknoloġija u l-politika tal-innovazzjoni, basta jiġi adottat approċċ mifrux mal-programmi u l-proġetti kollha tal-UE, fejn kriterju u aspett ewlieni tal-għoti ta' fondi huwa t-tfassil tal-aqwa għarfien globali eżistenti fil-qasam tal-proġett u l-użu effettiv tagħhom;

55.

jissuġġerixxi li l-lezzjonijiet għall-innovazzjoni mill-iżviluppi tal-avangwardja tal-universitajiet u l-industrija għandhom jiġu applikati b'mod effettiv sabiex tissaħħaħ il-bażi wiesgħa meħtieġa ta' kompetenza tal-professjonisti tal-għarfien madwar l-Ewropa kollha;

Aspetti internazzjonali tal-Aġenda Diġitali

56.

jaqbel mal-ħtieġa li tiġi promossa l-internazzjonalizzazzjoni tal-governanza bl-internet u l-kooperazzjoni globali biex tinżamm l-istabbiltà tal-internet, fuq il-bażi tal-mudell b'diversi partijiet interessati u jaqbel mal-Kummissjoni fl-appoġġ tagħha għall-kontinwazzjoni tal-Forum dwar il-Governanza tal-Internet lil hinn mill-2010;

Implimentazzjoni u governanza

57.

jemmen li l-Kumitat tar-Reġjuni, bħala rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u bis-saħħa tar-rabtiet stretti mal-aħħar żviluppi u l-prattiki tajbin fid-diġitalizzazzjoni madwar l-Ewropa, għandu jingħata rwol proattiv, flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, fiċ-Ċiklu Ewropew tal-Governanza tal-Aġenda Diġitali (bħal pereżempju fi gruppi ta' esperti u waqt l-Assemblea Diġitali annwali). L-atturi mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom għandhom jingħataw rwol b'saħħtu u prominenti;

58.

jinnota li l-Aġenda Diġitali hija kruċjali wkoll għas-suċċess ta' inizjattivi importanti oħra. Għal din ir-raġuni, għandha tiżdied sostanzjalment il-kooperazzjoni li hemm bejn id-DĠs u l-programmi differenti u l-iffinanzjar għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Diġitali għandu jiġi allokat, b'mod partikolari, permezz ta' programmi eżistenti;

Brussell, 6 ta' Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (laqgħa tal-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjonijiet u Enerġija, 31.5.2010) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/trans/114710.pdf

(2)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5.5.2010 dwar Aġenda Diġitali għall-Ewropa: 2015.eu

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P7-TA-2010-0133&language=EN&ring=A7-2010-0066

(3)  OECD, The Economic Impact of ICT - Measurement, Evidence and Implications (OECD, L-Impatt Ekonomiku tal-ICT – Kejl, Evidenza u Implikazzjonijiet)

(4)  CdR 156/2009 fin

(5)  CdR 252/2005 fin

(6)  COM(2009) 440 finali

(7)  CdR 10/2009 fin

(8)  CdR 247/2009 fin

(9)  CdR 5/2008 fin

(10)  CdR 247/2009 fin


18.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/41


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-indirizzar tal-problema tal-persuni mingħajr dar”

2011/C 15/08

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

huwa tal-fehma li l-fatt li persuna tkun mingħajr dar huwa forma estrema ta' faqar u esklużjoni soċjali, u għalhekk din il-kwistjoni għandha tingħata enfasi akbar fl-istrateġija tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali. Mhuwiex aċċettabbli li l-UE jkollha rati għoljin ta' persuni mingħajr dar. Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) hija okkażjoni f’waqtha għas-sensibilizzazzjoni dwar din il-problema persistenti, li hemm il-periklu li tmur għall-agħar fil-kuntest tal-kriżi ekonomika. Naturalment, kull inizjattiva li tittratta din il-problema għandu jkollha perspettiva għal tul ta' żmien li tmur lil hinn mill-2010 u l-kriżi attwali.

jenfasizza r-rwol kruċjali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dak li jirrigwarda t-teħid ta' azzjoni konkreta u soda biex tissielet kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar. Huma jerfgħu r-responsabbiltà vera u għandhom ukoll esperjenza konsiderevoli, u f’ħafna każi metodi u programmi li jaħdmu tajjeb li jiffavorixxu ħidma bikrija, serja u fit-tul. Dan iżid il-bżonn ta' tqassim aktar ċar tar-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet u l-livelli differenti. Fl-istess ħin, huwa tajjeb ukoll li jissemma li l-kwistjoni tal-persuni mingħajr dar tista’ tkun ikkonċentrata f’ċerti reġjuni ta' pajjiż jew f’ċerti pajjiżi. Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali bil-għan li r-reġjuni li huma partikolarment milqutin minn din il-problema jingħataw appoġġ finanzjarju, anke wkoll fl-interess tal-koeżjoni territorjali u soċjali.

Relatur

:

Tore Hult (SE/PSE), Viċi President tal-Kunsill Muniċipali ta' Alingsås, l-Isvezja

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

kuntest

1.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li mhux possibbli tinkiseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li hija waħda mill-prinċipji fundamentali tal-politika tal-UE, jekk uħud miċ-ċittadini tal-UE huma mingħajr dar u għalhekk m’għandhomx il-mezzi biex jiżviluppaw f’livell personali u professjonali. Jenfasizza li l-problema tal-persuni mingħajr dar hija partikolarment gravi għat-tfal u ż-żgħażagħ;

2.

huwa tal-fehma li l-fatt li persuna tkun mingħajr dar huwa forma estrema ta' faqar u esklużjoni soċjali, u għalhekk din il-kwistjoni għandha tingħata enfasi akbar fl-istrateġija tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali. Mhuwiex aċċettabbli li l-UE jkollha rati għoljin ta' persuni mingħajr dar. Is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) hija okkażjoni f’waqtha għas-sensibilizzazzjoni dwar din il-problema persistenti, li hemm il-periklu li tmur għall-agħar fil-kuntest tal-kriżi ekonomika. Naturalment, kull inizjattiva li tittratta din il-problema għandu jkollha perspettiva għal tul ta' żmien li tmur lil hinn mill-2010 u l-kriżi attwali;

3.

jemmen li l-bażi għad-diskussjoni għandha tkun li l-Istati Membri tal-UE qed jiffaċċjaw problema li tolqothom ilkoll. Hija problema li tolqot lill-individwi hu x’inhu l-livell ta' edukazzjoni, l-ambjent kulturali tagħhom jew il-qagħda ekonomika preċedenti tagħhom, u tolqot lill-Istati Membri tal-UE kollha. Għalhekk, hemm bżonn ta' miżuri komuni għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-problema ta' persuni mingħajr dar;

4.

josserva li minbarra li n-nuqqas ta' dar joħloq disgrazzji personali kbar, dan iwassal ukoll għal spejjeż soċjali sostanzjali. Jekk in-numru tal-persuni mingħajr dar jitnaqqas, l-ispejjeż soċjali jonqsu wkoll u b’hekk tinkiseb inklużjoni soċjali aktar b’saħħitha, u jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-Ewropa;

5.

jenfasizza li l-persuni jispiċċaw mingħajr dar minħabba firxa ta' ċirkustanzi u mhux biss minħabba kwistjonijiet personali;

6.

jenfasizza li l-kawżi tal-problema huma taħlita ta’għadd ta' fatturi bħan-nuqqas ta' akkomodazzjoni bi prezzijiet raġonevoli, impjiegi b’pagi baxxi, abbużi, nuqqas ta' kura għall-każi ta' abbuż, problemi mentali u mard, vjolenza domestika, qgħad, relazzjonijiet personali problematiċi, faqar, il-ħruġ mill-ħabs u d-dħul lura fis-soċjetà u t-tibdil u t-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet pubbliċi. Ta’ importanza partikolari hija l-imġiba tas-sidien tal-proprjetà fil-konfront tal-persuni mingħajr dar u sa liema punt jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' mezzi biex dawn il-persuni ikollhom post li jistgħu jsejħu tagħhom. Biex il-ħidma f’dan il-qasam tirnexxi, hemm bżonn ta' kooperazzjoni u firxa wiesgħa ta' miżuri;

7.

josserva li hemm bżonn ta' għarfien sostanzjalment aktar sfiq dwar il-fatturi li jwasslu li l-persuni jkunu mingħajr dar u dwar liema huma l-mekkaniżmi li jġiegħlu lil din il-problema tippersisti. Għarfien ta' din ix-xorta jirrappreżenta s-sisien għall-adozzjoni ta' miżuri effettivi fl-oqsma ta' politika differenti;

8.

huwa tal-fehma li l-problema tal-persuni mingħajr dar hija serja ħafna u jemmen li hemm bżonn ta' ħidma f’għadd ta' livelli – miżuri preventivi u dawk maħsuba għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku iżda, b’mod partikolari, miżuri għat-titjib tal-inċentivi favur il-bini tal-akkomodazzjoni;

9.

jenfasizza r-rwol kruċjali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dak li jirrigwarda t-teħid ta' azzjoni konkreta u soda biex tissielet kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar. Huma jerfgħu r-responsabbiltà vera u għandhom ukoll esperjenza konsiderevoli, u f’ħafna każi metodi u programmi li jaħdmu tajjeb li jiffavorixxu ħidma bikrija, serja u fit-tul. Dan iżid il-bżonn ta' tqassim aktar ċar tar-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet u l-livelli differenti. Fl-istess ħin, huwa tajjeb ukoll li jissemma li l-kwistjoni tal-persuni mingħajr dar tista’ tkun ikkonċentrata f’ċerti reġjuni ta' pajjiż jew f’ċerti pajjiżi. Għalhekk, jeħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali bil-għan li r-reġjuni li huma partikolarment milqutin minn din il-problema jingħataw appoġġ finanzjarju, anke wkoll fl-interess tal-koeżjoni territorjali u soċjali;

10.

huwa tal-fehma li waħda mill-kundizzjonijiet ta' strateġija globali bil-għan li tiġġieled kontra l-problema tal-persuni hija li l-istituzzjonijiet tal-UE jsiru aktar attivi biex jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp u jsegwu mill-qrib il-miżuri meħuda. Xorta waħda għandu jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà u rikonoxxut ir-rwol deċiżiv li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

11.

huwa tal-fehma li d-dikjarazzjonijiet internazzjonali u l-liġijiet nazzjonali jagħtu xhieda ta' rieda aktar qawwija li lkoll inkunu aktar konxji li l-kwistjoni tal-persuni mingħajr dar hija problema soċjali konsiderevoli. F’għadd ta' pajjiżi, id-dritt għall-akkomodazzjoni huwa minqux fil-kostituzzjoni;

12.

huwa tal-fehma li bosta mill-proposti u miżuri deskritti hawnhekk huma bbażati fuq dawn il-prinċipji fundamentali importanti jew oqfsa diġà eżistenti, bil-konsegwenza li l-aktar kwistjonijiet urġenti marbuta mal-persuni mingħajr dar jistgħu jiġu indirizzati mingħajr il-bżonn li jinħolqu strumenti leġislattivi ġodda;

13.

josserva li ma teżisti l-ebda definizzjoni komuni fil-livell Ewropew tal-kunċett tal-persuni mingħajr dar, u għalhekk jitlob lill-Istati Membri jużaw kemm jista’ jkun it-tipoloġija tal-ETHOS (European Typology of Homelessness and Housing Exclusion). Dan jagħmilha possibbli li jiġu kkumparati s-sitwazzjonijiet u r-riżultati tal-inizjattivi differenti fl-Istati Membri individwali. Id-definizzjoni hija:

mingħajr saqaf fuq rashom (l-ebda tip ta' kenn, il-persuni kkonċernati jorqdu fit-triq);

mingħajr domiċilju fiss (eż. f’akkomodazzjoni temporanja għall-persuni mingħajr dar, hostels, tipi oħra ta' akkomodazzjoni kollettiva għal gruppi speċifiċi ta' nies, akkomodazzjoni ssusidjata, eċċ.);

akkomodazzjoni instabbli (eż. f’postijiet mingħajr kuntratt sigur tas-sullokazzjoni jew mal-familja jew il-ħbieb minħabba li ma jkollhomx dar);

akkomodazzjoni ta' standard inferjuri (eż. f’gorboġ jew barrakka, f’bini mingħajr apparat iġjeniku jew ikkundannat skont il-liġi nazzjonali, f’karavana jew dwejra li hija maħsuba għal abitazzjoni f’ċerti xhur tas-sena biss, jew f’akkomodazzjoni ffullata wisq);

14.

jemmen li l-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar għandha ssir waħda mill-prijoritajiet fost il-miżuri tal-UE għall-politika tal-inklużjoni soċjali. Fl-2009, il-Kumitat għażel it-tema tal-persuni mingħajr dar u n-nuqqas ta' aċċess għas-suq tad-djar għall-2009 biex jindirizza s-suġġett tas-sigurtà soċjali. B’mod partikolari, is-sena 2010, bħala s-sena tal-UE kontra l-faqar, hija okkażjoni eċċellenti biex issaħħaħ il-ħidma marbuta mal-ġlieda kontra l-aktar forma estrema tal-esklużjoni, il-problema tal-persuni mingħajr dar;

15.

jemmen li akkomodazzjoni ta' kwalità tajba u bi prezz raġonevoli hija beni personali primarju u dritt. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jagħmlu minn kollox u jieħdu passi sabiex jgħinu lill-persuni li skont il-liġi nazzjonali għandhom dritt għal dan, biex isibu akkomodazzjoni;

16.

minbarra l-konsegwenzi soċjali ovvji li jsofru l-persuni mingħajr dar, jemmen li hemm bżonn li jissemmew il-benefiċċji soċjoekonomiċi li jgawdu l-persuni li jkollhom akkomodazzjoni u xogħol;

17.

jiġbed l-attenzjoni għall-ispejjeż diretti u indiretti li l-problema tal-persuni mingħajr dar tinvolvi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Istati Membri. Naturalment, huma importanti ħafna dawk l-ispejjeż diretti f’forma ta' riżorsi speċifiċi jew ġenerali li jridu jintużaw meta xi persuna tkun mingħajr dar. Barra minn hekk, dan jinvolvi wkoll telf fuq id-dħul mit-taxxa marbut ma' impjiegi bi qligħ. Fil-qosor, il-problema tal-persuni mingħajr dar iddgħajjef il-pass tal-iżvilupp ekonomiku f’bosta pajjiżi u s-soċjetà sostenibbli fit-tul li nixtiequ noħolqu u li fost affarijiet oħra tissemma fl-Ewropa 2020;

18.

josserva li l-istatistika dwar dawn il-konsegwenzi ekonomiċi tiġġustifika l-użu ta' programmi preventivi, li għandhom spejjeż ħafna aktar baxxi meta mqabbla mal-ispejjeż kollha involuti fil-qasam tal-persuni mingħajr dar;

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tar-Reġjuni

19.

huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-importanza ta' din il-problema soċjali u jeħtieġ li ssir aktar ħidma f’dan il-qasam – u li din il-ħidma tissaħħaħ. Waħda mill-kundizzjonijiet fundamentali biex il-ħidma kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar tirnexxi hija li jiġu kkoordinati l-inizjattivi tad-diversi livelli involuti (lokali, reġjonali, nazzjonali u intergovernattiv);

20.

id-diffikultà ewlenija fil-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar hija l-firxa wiesgħa ta' politiki li jeħtieġ jiġu mobilizzati u l-qsim tar-responsabbiltajiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi differenti. Biex tkun effettiva, il-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar għandha tinkludi, fost affarijiet oħra, il-politika tal-ippjanar urban, il-bini ta' akkomodazzjoni, il-politika soċjali, ix-xogħol u s-saħħa, inkluża s-saħħa mentali. B’hekk, jeħtieġ li jitħeġġu ftehimiet kuntrattwali u territorjali bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-finanzjament tal-akkomodazzjoni, għall-ħruġ tal-permessi tal-bini u għall-arranġamenti għall-appoġġ soċjali;

21.

jenfasizza li biex is-sitwazzjoni titjieb, iridu jittieħdu miżuri ta' prevenzjoni, jiġu indirizzati l-problemi urġenti u ssir ħidma fuq perijodu twil ta' żmien;

22.

huwa tal-fehma li l-għarfien eżistenti fil-qasam tal-persuni mingħajr dar ma jippermettix li jitfasslu politiki li jqisu bis-sħiħ id-diversità kbira tal-persuni mingħajr dar u l-modi differenti ta' kif persuna tista’ tispiċċa mingħajr dar. Barra minn hekk, is-sistemi biex dawn il-persuni jiġu megħjuna sikwit iwasslu biex l-individwi jinqasmu f’kategoriji artifiċjali skont il-profil tal-individwu. L-opportunitajiet tal-persuni mingħajr dar għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-ħajja soċjali tintlaqat b’mod ħażin minn dan in-nuqqas ta' għarfien;

23.

iqis li issa jeħtieġ li mmorru lil hinn minn din il-viżjoni billi jiġi adottat approċċ uman u personalizzat, ibbażat fuq l-esperjenza ta' kull individwu, bil-għan li jingħataw soluzzjonijiet adatti. Dan l-approċċ ifisser li l-azzjonijiet għall-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar għandhom jiġu implimentati kemm jista’ jkun qrib il-persuni kkonċernati. Għaldaqstant, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol essenzjali x’jaqdu;

24.

għaldaqstant, iqis li jeħtieġ li jiġu ottimizzati u żviluppati l-għodod statistiċi. L-armonizzazzjoni tad-data fil-livell Ewropew għandha titħeġġeġ billi tiġi estiża l-ħidma fir-rigward tat-tipoloġija tal-ETHOS u b’mod aktar ġenerali billi jiġu appoġġjati l-approċċi komparattivi bejn l-Istati Membri. Jeħtieġ ukoll li titħeġġeġ ir-riforma tal-għodod attwali biex jiġu promossi l-approċċi skont l-esperjenza tal-ħajja bil-għan li jiġu kkunsidrati r-raġunijiet li wasslu lill-persuni jispiċċaw mingħajr dar u li joħolqu fenomenu ta' ħruġ mill-problema segwit mir-ritorn għall-problema u jikkontribwixxu għas-soluzzjoni definittiva tal-problema;

25.

jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jniedu xogħol bi sħab fuq skala wiesgħa u koordinazzjoni fil-livell istituzzjonali fid-diversi oqsma biex itejbu l-miżuri globali u l-monitoraġġ tal-ħidma kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar. Hemm bżonn ta' ħidma bi sħab fit-tul bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali differenti u strateġiji fit-tul, li flimkien jistgħu jeqirdu din il-problema u l-kawżi tagħha għaliex mhumiex biżżejjed miżuri għal żmien qasir jew temporanji;

26.

josserva li, fil-biċċa l-kbira tagħhom, l-Istati Membri la għandhom data uffiċjali affidabbli fil-qasam tal-persuni mingħajr dar u lanqas data li tiddeskrivi l-miżuri li għandhom jittieħdu biex il-problema tal-persuni mingħajr dar tiġi ttrattata b’suċċess. Jitlob lill-Istati Membri biex permezz ta' ħidma bi sħab fil-livell tal-UE jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' strateġija gobali u uniformi fil-qasam tal-persuni mingħajr dar u mbagħad jagħmlu mod li t-tfassil tagħha fil-livell nazzjonali jagħti l-frott mixtieq;

27.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li waħda mill-kundizzjonijiet fundamentali biex individwu jkun jista’ jidħol fiż-żgur fl-ambitu soċjali u fis-suq tax-xogħol hija li jkollu akkomodazzjoni, li hija beni personali primarju. Għalhekk, jitlob lill-Kummissjoni tanalizza aktar mill-qrib il-prinċipju dwar id-dritt għal akkomodazzjoni adegwata u kif dan id-dritt jista’ jiġi fformulat;

28.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm bżonn ta' sforzi qawwija fil-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar. Hemm bżonn ta' perspettiva politika komuni kontra din il-problema b’mod li jsiru t-tħejjijiet meħtieġa għall-ħidma fil-ġejjieni. Min-naħa l-oħra, jeżisti l-periklu li dawn l-isforzi jkunu frammentati u ma jiġux ikkoordinati kif imiss. Il-ħidma li diġà qed issir f’bosta muniċipalitajiet u reġjuni għandha tissaħħaħ u titwessa’. Hemm bżonn ta' mudelli u metodi nazzjonali u internazzjonali fil-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar. Bil-għan li tittieħed azzjoni komuni, huwa importanti ħafna wkoll li jittieħdu miżuri ġenerali bil-għan li ċ-ċittadini jiġu ssensibilizzati dwar din il-problema u biex l-għarfien dwarha jiżdied;

29.

jenfasizza l-bżonn li s-soċjetà tiġġieled kontra l-fehma fis-soċjetà li huma l-persuni mingħajr dar innifishom li għandhom jerfgħu r-responsabbiltà tal-qagħda tagħhom. Hemm bżonn li tingħata stampa aktar bilanċjata tal-kawżi ta' din il-problema u li jiġu analizzati l-konsegwenzi tagħha għas-soċjetà. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri biex toħloq din l-istampa aktar bilanċjata;

30.

jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jikkunsidraw id-dritt għall-akkomodazzjonii fost il-beni personali primarji, u jieħdu sehem fir-riċerka li ssir f’dan il-qasam, u fil-monitoraġġ u l-ispejjeż marbuta miegħu. Iż-żieda fl-għarfien f’dan il-qasam tirrappreżenta l-bażi għall-azzjoni meħuda u l-miżuri preventivi li jagħmluha possibbli li jiġi evalwat jekk il-ħidma li twettqet kinitx effettiva.

31.

josserva li l-għarfien kollu li nġabar s’issa jidher li huwa iżolat ħafna u l-awtoritajiet pubbliċi ma jużawhx biżżejjed. Hemm bżonn li jitfassal pjan strateġiku dwar kif l-informazzjoni għandha tilħaq il-livell adatt;

32.

jemmen li l-argumenti ekonomiċi fil-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar għandhom jiġu żviluppati aktar. Għandu jkun possibbli li s-sena d-dieħla jitħejjew bosta rapporti ġodda. B’hekk, iż-żieda fl-għarfien tkun tista’ twitti t-triq għal aktar ħidma;

33.

jipproponi li tinħoloq sistema dewwiema fil-livell tal-UE biex jiġu identifikati metodi tajbin. Jenfasizza bil-qawwa l-bżonn li jsir skambju tal-aħjar prattika bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward ta' ħidma marbuta maż-żieda fl-għarfien, il-miżuri preventivi, l-edukazzjoni tal-persunal u l-appoġġ immirat li jingħata lill-gruppi differenti fi ħdan il-persuni mingħajr dar;

34.

huwa sodisfatt ħafna bl-inizjattivi u l-proġetti implimentati mill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar, iżda fl-istess ħin josserva li l-iskambju tal-aħjar prattiki jrid jissaħħaħ. Dan jista’ jsir permezz ta' programmi kwalitattivi għall-iskambju ta' persunal li jaħdem b’mod dirett mal-persuni mingħajr dar fl-Istati Membri differenti. Dan it-tip ta' programm irid jingħata biżżejjed riżorsi finanzjarji u għandu jkun jista’ jitbiddel f’tip ġdid ta' servizz għall-iskambju fi ħdan l-UE;

35.

jenfasizza l-bżonn li jkun hemm konoxxenza aħjar tal-qasam u l-istrutturi tal-persuni mingħajr dar fi ħdan l-UE. Pereżempju, ikun utli li d-data titqassam skont is-sess, l-età, in-nazzjonalità, il-kundizzjonijiet soċjali u indikaturi importanti oħra. Mingħajr din l-informazzjoni, ikun diffiċli li jitnedew l-istrateġiji ekonomiċi u soċjali meħtieġa biex tissewwa l-problema tal-persuni mingħajr dar. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-istatistika tibni fuq id-definizzjoni tal-FEANTSA għall-persuni mingħajr dar. Fil-fehma tal-Kumitat, hija ħaġa minn awl id-dinja li l-Kummissjoni terfa’ din ir-responsabbiltà mill-aktar fis possibbli;

36.

huwa tal-fehma li l-fatt li persuna tkun mingħajr dar huwa ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u d-dinjità umana ta' kull wieħed u waħda minna u tad-dritt li kulħadd ikollu kontroll fuq ħajtu peress li dan jolqot beni personali primarju. Din il-problema hija partikolarment serja għat-tfal li sikwit ma jkollhom l-ebda possibbiltà jtejbu l-qagħda tagħhom. Għalhekk, jeħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza l-kundizzjonijiet fi ħdan l-Istati Membri sabiex dawn jintroduċu xi tip ta' garanzija fil-livell nazzjonali fir-rigward ta' kif jistgħu jabolixxu l-problema tat-tfal taħt it-18-il sena li jkunu mingħajr dar. Għandha ssir valutazzjoni dwar jekk il-persuni b’diżabbiltà għandhomx jiġu inklużi f’dispożizzjonijiet ta' dan it-tip;

37.

itenni li ma nistgħux nenfasizzaw biżżejjed il-fatt li n-nuqqas ta' akkomodazzjoni hija problema fiha nnifisha. Ir-riżultati tar-riċerka Housing First għandu jkollhom impatt akbar, bil-kundizzjoni li flimkien mal-offerta ta' akkomodazzjoni l-persuna mingħajr dar għandha tingħata l-appoġġ li għandha bżonn biex jiġu indirizzati problemi oħra marbuta mas-sitwazzjoni tagħha;

38.

jemmen li għandhom jittieħdu azzjonijiet speċifiċi u jitnedew kampanji ta' informazzjoni fil-konfront tas-sidien tal-proprjetà. Wieħed mill-prinċipji fundamentali fil-ġlieda kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar għandu jkun il-kunċett tad-dinjità tal-bniedem u x-xewqa ta' kull individwu li jtejjeb il-qagħda tiegħu u jikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjali. Is-sidien tal-proprjetà huma partikolarment importanti fir-rigward tal-isforzi li jittieħdu kontra n-nuqqas tal-akkomodazzjoni. Għandhom jinħolqu inċentivi biex il-persuni mingħajr dar tingħatalhom akkomodazzjoni;

39.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandha tingħata importanza akbar lit-tagħlim u t-titjib tal-ħiliet fost dawk il-persuni li jaħdmu fil-qasam tal-persuni mingħajr dar. Fil-pajjiżi li jipprovdu taħriġ speċjali għall-impjegati fl-iskejjel, fis-sistema ġudizzjarja, fis-sistema tas-saħħa u tas-saħħa mentali, fis-servizzi soċjali u l-pulizija, sar progress fir-rigward tat-tisħiħ tal-azzjonijiet kontra l-poblema tal-persuni mingħajr dar sa minn fażi bikrija. Fil-perijodu li jmiss, il-Fondi Strutturali għandhom jipprovdu aktar riżorsi sabiex dan il-għan jintlaħaq;

40.

jenfasizza l-importanza tal-ħidma preventiva li jwettqu l-awtoritajiet lokali u reġjonali, iżda jrid ikun hemm ukoll soluzzjonijiet ta' emerġenza. Għandu jkun possibbli li tiġi pprovduta akkomodazzjoni temporanja. Iżda, xorta waħda mhuwiex aċċettabbli li l-persuni mingħajr dar jinqabdu f’sistema li tipprovdilhom biss kenn temporanju. Ċerti pajjiżi adottaw strateġija bil-għan li jingħalqu l-postijiet kollha li jipprovdu kenn temporanju għall-persuni mingħajr dar. Minflok, dawn il-persuni jiġu pprovduti b’soluzzjonijiet li jissodisfaw il-ħtiġijiet partikolari tagħhom; f’dan ir-rigward, huwa assolutament importanti li jiġu evitati l-evizzjonijiet;

41.

huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jipprovdu appoġġ aktar effettiv lis-settur tal-volontarjat fi ħdan is-soċjetà. Il-problema tal-persuni mingħajr dar hija waħda strutturali u politika li titlob impenn mill-awtoritajiet pubbliċi kollha, iżda s-settur tal-volontarjat jaqdi rwol importanti. Irid jiġi kkunsidrat kif l-UE tista’ tagħmel mod li l-organizzazzjonijiet volontarji jaqdu rwol aktar prominenti. Is-Sena Ewropea tal-Volontarjat (2011) għandha tintuża bħala opportunità biex ikun hemm sensibilizzazzjoni u jiġu mistħarrġa forom ġodda ta' kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet volontarji dwar din il-kwistjoni importanti;

42.

jirrakkomanda li jitnedew programmi ekonomiċi speċjali fil-livell tal-UE bil-għan kemm li jsaħħu l-azzjonijiet nazzjonali u lokali/reġjonali kontra l-problema tal-persuni mingħajr dar kif ukoll jiżviluppaw il-kriterji ta' kwalità. L-iskambju tal-esperjenza jrid jitħeġġeġ biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi.Għalhekk, jirrakkomanda li l-fondi Ewropej futuri jqisu din il-kwistjoni b’aktar reqqa;

43.

jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw il-possibbiltà jħejju programmi favur l-integrazzjoni tal-persuni mingħajr dar fis-soċjetà u fil-ħajja tax-xogħol permezz tal-ħolqien ta' inċentivi maħsuba biex min iħaddem jipprovdilhom impjieg. Bl-istess mod, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jippromovu l-integrazzjoni permezz ta' inizjattivi ta' taħriġ bil-għan li l-persuni mingħajr dar ikollhom pożizzjoni aktar soda fis-soċjetà. L-esperjenzi tajbin li diġà qed jinkisbu f’dan il-qasam għandhom jingħataw aktar prominenza;

44.

Il-miżuri bil-għan li tiġi promossa l-informazzjoni dwar il-persuni mingħajr dar għandhom jiġu implimentati b’mod aktar strutturat;

45.

jipproponi li jitwaqqaf ċentru Ewropew li jindirizza l-problema tal-persuni mingħajr dar. Qed jiġi propost li dan iċ-ċentru jsir il-korp ta' koordinazzjoni li attwalment ma jeżistix. L-aktar kompitu prinċipali jkun wieħed ta' koordinazzjoni iżda għandu jaħdem ukoll favur l-iżvilupp tal-għarfien u strateġiji komuni. Nixtiequ nħeġġu lill-Kummissjoni Ewropea teżamina l-possibbiltajiet li jitwaqqaf uffiċċju ta' dan it-tip li jkun responsabbli wkoll għall-monitoraġġ tal-qagħda tal-persuni mingħajr dar fl-Istati Membri. Iċ-ċentru għandu jaqdi rwol ta' koordinazzjoni u ta' appoġġ lir-riformi fi ħdan l-Istati Membri, pereżempju permezz ta' skambju tal-aħjar prattiki. Il-ħidma fil-livell Komunitarju tipprovdi valur miżjud jekk isir użu mill-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni għall-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali;

46.

huwa tal-fehma li l-problema tan-nisa mingħajr dar qed tiżdied b’mod kontinwu, u li s-sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tan-nisa mingħajr dar għandha titqies fl-aspetti soċjoekonomiċi tagħha u dawk relatati max-xogħol kif ukoll fid-dawl tal-problemi li għadhom jeżistu relatati mal-aċċess għas-servizzi. Din il-kwistjoni trid tiġi indirizzata speċifikament mill-Istati Membri.

Brussell, 6 ta' Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


18.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/46


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-implimentazzjoni tal-politika Ewropea tal-Viċinat u b’mod partikulari l-inizjattiva tas-sħubija tal-Lvant: il-modernizzazzjoni, ir-riformi u l-kapaċitajiet amministrattivi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tar-Repubblika tal-Moldova”

2011/C 15/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ bi pjaċir it-tnedija ta' programm ta' riformi ambizzjużi bil-għan li jiġu kkonsolidati d-demokrazija, l-ekonomija tas-suq u l-prinċipji tal-istat tad-dritt, il-bidu tan-negozjati għal ftehim ta' assoċjazzjoni ġdid u l-ftuħ tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tas-sistema tal-viżas;

jinnota li jkun jagħmel sens li s-sehem tal-KtR jitwessa’ għaż-żewġ pjattaformi l-oħra peress li dawn ikopru attivitajiet li jinvolvu direttament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali (speċjalment il-Pjattaforma 2 - integrazzjoni ekonomika u konverġenza mal-politiki tal-UE);

jirrakkomanda li jiġu kkonsultati u involuti l-awtoritajiet lokali u reġjonali fin-negozjati tal-ftehim ta' assoċjazzjoni l-ġdid, fl-iżvilupp ta' programmi pilota għall-iżvilupp reġjonali, u fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' żvilupp reġjonali. Għalhekk il-KtR jixtieq ukoll li jkollu rwol kostruttiv fin-negozjati u l-konklużjoni ta' protokoll ta' ftehim bejn id-Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali u l-Ministeru għall-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Reġjonali;

jinnota li t-tisħiħ tal-awtonomija finanzjarja tal-awtoritajiet lokali u reġjonali ser tkun kruċjali għall-ġestjoni tal-fondi Ewropej fil-ġejjieni, kif ukoll biex tiżdied il-kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali;

jenfasizza l-importanza ta' skambju kontinwu ta' esperjenzi billi l-ftehimiet ta' ġemellaġġi bejn istituzzjonijiet jew komunitajiet, it-tagħlim, iż-żjarat ta' studju u s-sehem tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Moldovjani fil-korpi reġjonali tal-UE (bħala membri jew osservaturi) jsiru prattiċi standard.

Relatur

:

Is-Sur Alin Adrian Nica (RO/ALDE), Sindku ta' Dudeștii Noi

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jinnota li wara l-elezzjonijiet parlamentari bikrija li nżammu f’Lulju 2009 u l-bidla fil-gvern, ir-Repubblika tal-Moldova nediet programm ta' riformi ambizzjużi bil-għan li jiġu kkonsolidati d-demokrazija, l-ekonomija tas-suq u l-prinċipji tal-istat tad-dritt, u b’mod indirett, sabiex tqarreb il-pajjiż mal-UE. Is-sitwazzjoni politika ġdida u l-viżjoni li għandu l-gvern tar-Repubblika tal-Moldova dwar il-proċess tar-riforma bil-għan li jkun hemm allinjament mal-istandards Ewropej jiftħu opportunitajiet ġodda ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE u tal-Moldova;

2.

jilqa’ l-ftuħ f’Jannar 2010 tan-negozjati relatati mal-ftehim ġdid ta' assoċjazzjoni, li ser jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Moldova u jqarreb iż-żewġ partijiet. Il-ftehim il-ġdid ser ikun aktar ambizzjuż u ser imur lil hinn mil-limiti tal-kooperazzjoni tradizzjonali bejn l-UE u l-Moldova. Ser jikkontribwixxi għall-progress fid-djalogu politiku, għall-iżvilupp ekonomiku u għaż-żjieda tal-benesseri taċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova. Il-ftehim ta' assoċjazzjoni ser jinkludi l-ħolqien ta' żona ta' kummerċ ħieles komplut u profond, li ser twassal għall-integrazzjoni ekonomika tal-Moldova fis-suq tal-UE, permezz tal-intensifikar tar-relazzjonijiet kummerċjali u tal-investimenti, li min-naħa tiegħu ser jenfasizza l-kooperazzjoni bejn l-atturi ekonomiċi tal-livelli lokali u reġjonali;

3.

jilqa’ l-ftuħ tad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tas-sistema tal-viżas, li, fuq perijodu fit-tul, tfisser il-possibbiltà li ċ-ċittadini tal-Moldova jkunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża fiż-żona Schengen. Fl-istess waqt, iqis partikularment utli l-iffirmar tal-ftehim dwar it-traffiku minimu transkonfinali bejn ir-Rumanija u r-Repubblika tal-Moldova, li daħal fis-seħħ f’Marzu 2010, li jippermetti liċ-ċittadini tal-Moldova li jgħixu sa 50 km mill-fruntiera Moldovana-Rumena biex jivvjaġġaw l-istess distanza ġewwa r-Rumanija. Jemmen li dan ser jgħin biex jiżdiedu l-kuntatti interpersonali kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-amministrazzjonijiet lokali matul il-fruntiera esterna tal-UE mal-Moldova. Dan huwa pass importanti biex jingħelbu l-ostakli amministrattivi għall-iżvilupp tas-sħubijiet transkonfinali;

4.

jilqa’ b’mod favorevoli l-ftuħ tal-programm “Rethink Moldova”, imniedi fl-24 ta' Marzu fi Brussell, li jippreżenta viżjoni strateġika għar-riforma tal-oqsma prinċipali tar-Repubblika tal-Moldova u jistabbilixxi prijoritajiet ta' żvilupp fuq il-perijodu medju (2011–2013) fuq il-bażi ta' tliet pilastri: il-governanza responsabbli, l-irkupru u l-iżvilupp ekonomiku, u l-investiment fil-kapital uman;

5.

jinnota li l-Kummissjoni Ewropea stiednet lill-Kumitat tar-Reġjuni biex jipparteċipa fl-attivitajiet organizzati fil-kuntest tal-Pjattaformi 1 (demokrazija, governanza tajba u stabbiltà) u 4 (kuntatti interpersonali). Madankollu, ikun għaqli li dawn il-konsultazzjonijiet jiġu estiżi għaż-żewġ pjattaformi l-oħra peress li dawn jinkludu attivitajiet li jeħtieġu l-parteċipazzjoni diretta tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Bħala eżempju sinjifikanti tista’ tissemma l-kooperazzjoni mal-Moldova fil-qasam tal-politika reġjonali, ibbażata fuq l-aħjar prattiki tal-politika ta' koeżjoni tal-UE (Pjattaforma 2: integrazzjoni ekonomika u konverġenza mal-politiki settorjali tal-UE);

6.

jixtieq li din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tikkontribwixxi fil-promozzjoni tad-demokrazija lokali u reġjonali fir-Repubblika tal-Moldova u tagħti impetu ġdid lill-isforzi konkreti li jsiru fil-kuntest tal-inizjattivi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u, speċjalment, f’tas-Sħubija tal-Lvant. Din l-opinjoni essenzjalment tiffoka fuq il-possibbiltajiet li jinstabu soluzzjonijiet għall-problemi komuni billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE u tal-Moldova;

7.

josserva li, meta mqabbla mal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’pajjiżi membri oħra tas-Sħubija tal-Lvant, dawk tar-Repubblika tal-Moldova jgawdu minn vantaġġi kompetittivi fir-relazzjoni tagħhom mal-UE, minħabba l-prossimità tal-pajjiż għall-Unjoni, id-daqs tat-territorju nazzjonali u l-attitudni miftuħa tal-gvern ċentrali fir-rigward tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea. B’konformità mat-tradizzjonijiet stabbiliti matul l-implimentazzjoni tal-istrumenti differenti tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (pereżempju l-programm ta' kooperazzjoni transkonfinali Moldova-Rumanija-Ukraina 2007–2013) u minħabba d-daqs limitat tal-pajjiż, it-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha tagħha huma eliġibbli biex jimplimentaw proġetti ffinanzjati fil-kuntest tas-sħubijiet transkonfinali. Naturalment, fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant, dawn it-tradizzjonijiet ġew estiżi biex jinkludu inizjattivi li għandhom l-għan li jiksbu l-koeżjoni territorjali matul il-fruntieri esterni kollha tal-UE;

8.

jilqa’ b’sodisfazzjon li d-deċentralizzazzjoni tal-poter u l-awtonomija lokali jifformaw waħda mill-ħames prijoritajiet strateġiċi tal-Programm ta' Ħidma tal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova għall-2009–2013 intitulat “Integrazzjoni Ewropea: libertà, demokrazija, benesseri”. Jesprimi x-xewqa li d-deċentralizzazzjoni tirrappreżenta għażla politika irreversibbli fil-programm ta' riformi interni tar-Repubblika tal-Moldova;

9.

iqis importanti li l-elezzjonijiet ġenerali lokali previsti għas-sajf 2011 jiġu organizzati skont il-prinċipji Ewropej tad-demokrazija lokali, b’tali mod li jkun hemm titjib progressiv, u li jista’ jitkejjel, tal-prestazzjoni tal-gvern u tal-awtoritajiet elettorali, meta mqabbel mal-elezzjonijiet lokali tal-2007, meqjusin mill-komunità internazzjonali bħala ħielsa iżda mhux eżenti minn irregolaritajiet;

Il-proċess deċiżjonali u l-prijoritajiet prinċipali fil-livell lokali u reġjonali

10.

jieħu nota tal-fatt li l-gvern tar-Repubblika tal-Moldova huwa impenjat f’proċess vast ta' studju dwar il-ħtieġa għal modernizzazzjoni u riforma fl-awtonomija lokali u reġjonali. L-għan huwa li titħaddem deċentralizzazzjoni amministrattiva u fiskali ġenwina, jiġu perfezzjonati l-politiki dwar il-bilanċ finanzjarju u l-allokazzjoni tar-riżorsi fil-livell lokali u reġjonali, tiġi estiża l-bażi fiskali tal-amministrazzjonijiet lokali, jitħeġġu s-sħubijiet pubbliċi-privati għall-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi u jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livell sottonazzjonali;

11.

fid-dawl tal-iżviluppi reċenti rigward l-UE, jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jintervjenu fil-proċess ta' negozjati tal-ftehim ġdid ta' assoċjazzjoni bejn il-Moldova u l-UE, għall-inqas permezz ta' rwol konsultattiv u fil-kuntest ta' parteċipazzjoni istituzzjonalizzata. Din il-konsultazzjoni tista’ tieħu l-forma ta' djalogu mhux ġerarkiku, strutturat u permanenti mal-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, matul in-negozjati dwar kull kapitolu tal-ftehim futur ta' assoċjazzjoni li jipprevedi l-involviment dirett tal-livell lokali tal-amministrazzjoni pubblika (kapitoli: riforma interna; turiżmu; agrikoltura u żvilupp rurali; edukazzjoni, tagħlim u żgħożija; kooperazzjoni transkonfinali u reġjonali; tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali, eċċ.). Għalissa, fuq il-lista tal-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fin-negozjati, fl-organigramma mħejjija bi qbil komuni mill-partijiet, la hemm l-awtoritajiet lokali u reġjonali u lanqas l-assoċjazzjonijiet li jiggruppawhom;

12.

jilqa’ l-fatt li fl-20 ta' Mejju 2010 nħoloq il-kumitat parlamentari speċjali sabiex jimmodifika u jikkompleta l-qafas ġuridiku relatat mal-proċess ta' deċentralizzazzjoni u ta' tisħiħ tal-awtonomija lokali, bil-mandat speċifiku li jiggarantixxi l-kontinwità tal-miżuri li għandhom l-għan li jassiguraw l-applikazzjoni effettiva tal-prinċipji kostituzzjonali tal-awtonomija lokali u tad-deċentralizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, b’konformità stretta mal-Karta Ewropea tal-Awtonomija Lokali. Il-Kumitat jilqa’ b’mod favorevoli l-intenzjoni ta' dan il-kumitat li jipproċedi għal evalwazzjoni kompleta tal-qafas ġuridiku li tkopri l-aspetti kollha tal-attivitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, pass li jippermetti l-implimentazzjoni sħiħa tad-deċentralizzazzjoni, inkluż fil-livell settorjali, fl-oqsma tal-edukazzjoni, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali, l-ambjent, l-ordni pubblika, eċċ. Jesprimi x-xewqa li l-miżuri ta' riforma li għandhom l-għan li jsaħħu l-awtonomija lokali jiġu implimentati fi żmien adegwat b’tali mod li l-mekkaniżmi kollha tal-implimentazzjoni jiffunzjonaw għall-elezzjonijiet lokali ġenerali tas-sajf 2011;

13.

iqis indispensabbli li sabiex jinkiseb kunsens bejn l-atturi involuti kollha rigward id-direzzjoni li għandha tittieħed, dalwaqt għandu jinżamm djalogu miftuħ u sistematiku mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Jilqa’ l-isforzi li saru reċentement sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħaqdu fi ħdan assoċjazzjoni nazzjonali waħda mingħajr tikketta politika, bil-għan li tirrappreżenta l-komunitajiet lokali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-poteri ċentralizzati. Il-Kumitat jistieden lill-awtoritajiet tal-Moldova jistudjaw il-possibbiltà li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw id-dritt ta' inizjattiva leġislattiva. Jirrakkomanda li l-amministrazzjoni pubblika ċentrali tqabbel l-isforzi tagħha ta' riforma ma' dawk tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u dan ikun żmien opportun biex jiġu deċiżi liema kompetenzi għandhom jibqgħu f’idejn il-gvern ċentrali u liema oħrajn – akkumpanjati mill-fondi neċessarji – jistgħu jiġu delegati, jew, jekk jeżistu l-kapaċitajiet amministrattivi, jiġu trasferiti f’idejn l-awtoritajiet territorjali;

14.

jinnota li n-nuqqas ta' prattika sistematika u solida tal-ġestjoni awtonoma tal-finanzi lokali tagħhom stess, b’mod inevitabbli jnaqqas il-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jieħu r-responsabbiltà kollha għall-ġestjoni tal-fondi Ewropej, li teħtieġ kapaċitajiet amministrattivi u ta' ppjanar strateġiku adegwati kif ukoll biżżejjed fondi sabiex jiġi kopert l-ammont tal-kontribut finanzjarju lokali. Il-Kumitat jindika li fir-rigward tar-rwol dejjem aktar importanti tal-programmi immirati għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-pajjiżi ġirien tal-UE, it-tisħiħ tal-awtonomija finanzjarja tal-awtoritajiet pubbliċi lokali jirrappreżenta element kruċjali tal-proċess ta' identifikazzjoni tas-soluzzjonijiet possibbli għall-problemi komuni permezz tal-kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u fir-Repubblika tal-Moldova;

15.

jistenna b’interess l-implimentazzjoni ta' sistema trasparenti, ġusta u kredibbli tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi lokali, li tkun ikkaratterizzata mill-elementi li ġejjin: it-tneħħija ta' prattiki riġidi u klijenteliżmu li jappoġġjaw sistema żbilanċjata tat-tqassim diskrezzjonali tar-riżorsi baġitarji bejn il-komunitajiet lokali; it-tneħħija tal-possibbiltà li tiġi influwenzata l-istruttura tad-dħul akkumulat mil-livelli amministrattivi l-oħra; it-tisħiħ tal-indipendenza tal-proċess baġitarju lokali waqt li jiġu assigurati sorsi adegwati ta' dħul għal dan il-livell ta' governanza u jkun permess li jinġabru tat-taxxi proprji, miżuri li jippermettu l-ġestjoni awtonoma tar-riżorsi proprji u, b’konsegwenza, li jiġu implimentati politiki ta' żvilupp ekonomiku lokali; il-garanzija tat-twettiq tal-kompetenzi delegati lill-awtoritajiet lokali mill-Istat billi dawn jingħataw il-mezzi finanzjarji adegwati; il-bidla tal-proċeduri ta' bilanċ finanzjarju fi strumenti awtentiċi li jappoġġjaw il-komunitajiet żvantaġġjati; l-allokazzjoni trasparenti tar-riżorsi, li tippermetti ġestjoni finanzjarja previdibbli mill-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha; il-protezzjoni tal-awtonomija finanzjarja lokali kontra l-indħil mill-poteri pubbliċi f’livelli oħrajn;

16.

josserva li n-nuqqas ta' delimitazzjoni ċara tal-kompetenzi rispettivi tal-poteri pubbliċi lokali u ċentrali qed iżomm lura milli l-proċess ta' deċentralizzazzjoni jmur ’il quddiem u li t-trikkib tar-responsabbiltajiet tal-livelli differenti ta' amministrazzjoni pubblika qiegħed ikollu effetti negattivi fuq il-kwalità tas-servizzi pubbliċi. Il-Kumitat jispera li r-riformi f’dan il-qasam ser jiggarantixxu li r-riżorsi jkunu proporzjonali għall-kompetenzi attribwiti. Jenfasizza li d-delegazzjoni tal-kompetenzi lill-poteri pubbliċi lokali tista’ sseħħ biss f’qafas ta' ugwaljanza bejn il-partijiet, b’kopertura sħiħa tal-ispejjeż u l-protezzjoni ġuridika tal-awtonomija lokali. Il-KtR iqis li l-kontroll amministrattiv tat-twettiq tal-kompetenzi delegati mill-Istat lill-awtoritajiet lokali ma jistax isir sorveljanza tal-awtoritajiet lokali mill-gvern ċentrali;

Il-kooperazzjoni transkonfinali u reġjonali

17.

jaqsam il-fehma li r-Repubblika tal-Moldova għandha ssegwi b’attenzjoni d-diskussjonijiet reċenti dwar il-politika Ewropea tal-iżvilupp spazjali, li nħolqot mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, li b’mod espliċitu tirreferi għal kunċett ġdid ta' koeżjoni territorjali. Huwa probabbli li wara l-2013 din il-politika, li tirrappreżenta simbjoċi bejn il-politiki territorjali u l-politika ta' koeżjoni tal-UE, ser ikollha impatt konkret fuq il-pajjiżi msieħba u ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni extrareġjonali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

18.

jinnota b’sodisfazzjon li reċentement, ir-Repubblika tal-Moldova ffinalizzat il-proċess tagħha biex toħloq qafas ġuridiku u istituzzjonali għall-iżvilupp reġjonali, simili għal dak li jeżisti fl-Istati Membri tal-UE. Il-Kumitat ifaħħar il-ħolqien tar-reġjuni ta' żvilupp, unitajiet territorjali funzjonali li jirrappreżentaw il-qafas għall-ippjanar, l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika tal-iżvilupp reġjonali li tagħmel parti min-Nomenklaturi tal-Unitajiet Territorjali għall-Istatistika tal-UE (NUTS). Jilqa’ t-twaqqif tal-Kunsill Nazzjonali għall-Koordinazzjoni tal-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Reġjonali, li kull sena jirċievu 1 % tal-baġit tal-Istat (madwar EUR 8 miljun fl-2010). Jenfasizza wkoll l-importanza li s-sorsi ta' finanzjament mill-fondi jitqassmu fuq il-bażi ta' mekkaniżmu trasparenti u sostenibbli għall-finanzjament tal-iżvilupp reġjonali;

19.

jistenna b’interess sabiex jara liema rwol ser jaqdu l-Aġenziji għall-Iżvilupp Reġjonali li nħolqu reċentement fir-reġjuni ta' żvilupp sabiex jikkoordinaw l-isforzi ta' żvilupp fir-reġjuni u jimplimentaw il-proġetti ta' żvilupp reġjonali immirati għal tkabbir ekonomiku sostenibbli fil-livell reġjonali. Il-KtR jirrakkomanda t-tisħiħ tal-kapaċitajiet operattivi tal-kunsilli reġjonali għall-iżvilupp, li twaqqfu fuq il-bażi tal-prinċipju ta' ugwaljanza bejn, fuq naħa, ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u, fuq in-naħa l-oħra, ir-rappreżentanti tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili, u jenfasizza l-importanza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti bis-sħiħ fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-politika ta' żvilupp reġjonali;

20.

peress li l-Moldova diġà għandha l-mekkaniżmu u l-qafas istituzzjonali neċessarji għall-iżvilupp reġjonali, kompatibbli mal-istandards Ewropej, jirrakkomanda li jiġu żviluppati programmi pilota għall-iżvilupp reġjonali, strutturati fuq l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija u t-trasport, inkluż il-ferrovija, ma' dawk tal-UE, fuq il-bżonnijiet lokali fl-infrastruttura, fuq il-kapital uman u fuq l-SMEs, imfissra skont il-politika ta' koeżjoni tal-UE. Il-KtR jinsisti fuq il-fatt li jkun ta' benefiċċju għal dawn il-proġetti li jkunu indirizzati bi prijorità għaż-żoni żvantaġġjati u għar-reġjuni li jsofru l-aktar min-nuqqas ta' żvilupp u ta' tkabbir ekonomiku;

21.

peress li l-istituzzjonijiet tal-iżvilupp reġjonali qegħdin jaħdmu b’mod sħiħ, jirrakkomanda li parti mill-ammont tal-fondi għall-iżvilupp rurali li ser jiġu pprovduti mill-UE lir-Repubblika tal-Moldova fl-2010 tiġi allokata lill-Fond Nazzjonali tal-Iżvilupp Reġjonali;

22.

iqis li l-inizjattivi ta' kooperazzjoni transkonfinali jikkostitwixxu sors importanti ta' finanzjament għall-proġetti ta' żvilupp reġjonali, kemm fil-qafas ta' strumenti tal-Politika Ewropea ta' Viċinat (Programm ta' Kooperazzjoni Transkonfinali Moldova-Rumanija-Ukraina 2007–2013, Programm Operazzjonali Komuni tal-Baċir tal-Baħar l-Iswed 2007–2013) kif ukoll fil-qafas tal-kooperazzjoni fost l-ewroreġjuni, li fihom tipparteċipa l-Moldova: id-Danubju t’Isfel (Rumanija-Moldova-Ukraina), Siret-Prout-Dniestr (Rumanija-Moldova), Prout ta' Fuq (Rumanija–Moldova–Ukraina). Sabiex tissaħħaħ il-fiduċja, reċentement ittieħdet inizjattiva għall-ħolqien tal-ewroreġjun ta' Dniestr (Moldova-Ukraina), biex jinkludi wkoll l-awtoritajiet lokali fuq ix-xellug tax-xmara Dniestr, jiġifieri territorji li mhumiex ikkontrollati minn Chișinău. Bi ftit eċċezzjonijiet, il-konfini tar-reġjuni ta' żvilupp fiċ-Ċentru, Tramuntana u Nofsinhar jikkorrispondu għall-fruntieri tal-unitajiet amministrattivi territorjali tar-Repubblika tal-Moldova li jagħmlu parti mit-tliet ewroreġjuni. Il-problemi li għandhom jingħataw attenzjoni partikulari mil-lat tas-sħubijiet transkonfinali huma dawk dwar l-ostakli amministrattivi (tassazzjoni, skema tal-viża) u l-kapaċitajiet limitati tal-livelli lokali u reġjonali biex jagħżlu u jiżviluppaw proġetti ta' kwalità;

23.

huwa tal-fehma li l-iskeda għar-riforma imminenti tal-livelli amministrattivi lokali u reġjonali għandha titlesta bi skambju kontinwu ta' esperjenzi sabiex jiġu adottati l-aħjar prattiki tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri tal-UE. Jeħtieġ li jiżdiedu l-kuntatti bil-għan li jkun hemm trasferiment tal-għarfien permezz ta' forom speċifiċi ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali: ġemellaġġi bejn istituzzjonijiet jew komunitajiet, tagħlim, żjarat ta' studju, parteċipazzjoni mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Moldova fl-assembleji tar-rappreżentanti tal-komunitajiet territorjali tal-UE, bħala membri jew osservaturi. Għalkemm attivitajiet ta' dan it-tip ma tantx ilhom li saru, fuq bażi ad hoc, hemm bżonn li jiġu sistematizzati permezz ta' programm vast ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u ta' assimilazzjoni tal-aħjar prattiki mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. B’mod parallel, tajjeb li titfaħħar l-inizjattiva li jinħoloq ftehim qafas ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Moldova u dawk tal-Istati Membri tal-UE, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ġdid ta' assoċjazzjoni;

24.

iħeġġeġ in-negozjati u l-konklużjoni ta' protokoll ta' ftehim bejn id-Direttorat Ġenerali tal-Politika Reġjonali (Kummissjoni Ewropea) u l-awtorità responsabbli mill-politika għall-iżvilupp reġjonali fir-Repubblika tal-Moldova (Ministeru għall-Kostruzzjoni u l-Iżvilupp Reġjonali) bil-għan li jiġi promoss id-djalogu fuq il-politika reġjonali u l-kooperazzjoni reġjonali (fil-kuntest tas-Sħubija tal-Lvant) u jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi fil-qasam tal-iżvilupp reġjonali fil-livell nazzjonali u reġjonali;

25.

iħeġġeġ il-konsolidazzjoni tal-kapaċitajiet istituzzjonali kif ukoll l-iżvilupp ta' programm ta' ġemellaġġ istituzzjonali bejn l-aġenziji tal-iżvilupp reġjonali li nħolqu reċentement fir-Repubblika tal-Moldova u aġenziji simili fl-UE kif ukoll fi ħdan strutturi mhux governattivi (Assoċjazzjoni Ewropea tal-Aġenziji tal-Iżvilupp Reġjonali – EURADA) u assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, bħall-kungress tas-setgħat lokali CALM (Kungress tal-Awtoritajiet Lokali tal-Moldova) li nħoloq dan l-aħħar. Il-KtR jissuġġerixxi li tiġi studjata l-possibbiltà li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tar-Repubblika tal-Moldova jingħataw l-istatut ta' osservatur fi ħdan diversi istituzzjonijiet Ewropej ikkonċernati mill-politika reġjonali (Kumitat tar-Reġjuni, Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew).

Brussell, 6 ta' Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


18.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 15/51


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-Ġeorġja u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn il-Ġeorġja u l-Unjoni Ewropea”

2011/C 15/10

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

iqis li, filwaqt li l-istabbiltà politika, l-iżvilupp ekonomiku u standard għoli tal-għajxien għan-nies tal-Ġeorġja huma ta’ importanza kbira għall-UE, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta’ bejniethom sar aktar u aktar importanti fil-kuntest tal-programm tas-Sinerġija tal-Baħar tat-Tramuntana;

jilqa’ l-iffirmar ta’ ftehim ta’ faċilitazzjoni tal-viża mal-Ġeorġja, peress li dan huwa messaġġ min-naħa tal-UE li hija miftuħa għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja;

iħeġġeġ lill-gvern Ġeorġjan jipproċedi għal tibdil fil-leġislazzjoni tiegħu sabiex din tkun f’konformità mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali, kif ukoll jimmodifika l-istruttura tal-awtoritajiet fil-livell reġjonali sabiex dawn iservu ta’ stimolu għall-iżvilupp. B’mod partikolari, jidher li huwa indispensabbli li tingħata definizzjoni legali tal-funzjonament tar-reġjuni bħala entitajiet territorjali tal-pajjiż kif ukoll li jiġu stabbiliti l-kompetenzi tal-awtoritajiet reġjonali;

jinsisti sabiex ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali Ġeorġjani jkollhom il-possibbiltà, bħalma huwa l-każ tal-kontropartijiet tagħhom fil-livell tal-gvern ċentrali u minn kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess, li jieħdu sehem fil-ħidma dwar il-ftehimiet, ir-rapporti u l-pjani ta’ azzjoni mfassla fuq il-bażi tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Ġeorġja;

jipproponi li s-Sħubija tal-Lvant tingħata dimensjoni tassew “territorjali” u għalhekk jappella lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi msieħba, b’mod partikolari l-Ġeorġja, biex jikkonkludu ftehim multilaterali li jkun jista’ jiżgura l-funzjonament tar-Ragruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) fir-reġjun involut fis-Sħubija tal-Lvant, li jinkludi l-Ġeorġja. Ir-REKT aktarx jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet transkonfinali, l-iskambju tal-esperjenza u l-kuntatti interpersonali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ġeorġja u l-Istati Membri.

Relatur

:

Is-Sur Jacek Protas (PL/PPE), Marixxal tar-reġjun ta’ Warmińsko-Mazurskie

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-isfidi strateġiċi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja

1.

jikkonferma li l-għan ewlieni tal-UE fir-rigward tal-Ġeorġja huwa li jħeġġeġ gvern paċifiku, sigur u stabbli, li jkun kapaċi jagħti l-kontribut tiegħu għal relazzjonijiet tajba mal-pajjiżi ġirien kif ukoll għall-istabbiltà fir-reġjun, li jkun lest jaqsam il-valuri Ewropej u li jkun armat biex jiżviluppa interazzjoni istituzzjonali u legali fir-reġjun tal-Kawkażu tan-Nofsinhar u fir-relazzjonijiet tiegħu mal-UE;

2.

isostni mill-ġdid li, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja, huwa ta’ prijorità li r-riformi demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba jiġu appoġġjati kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak lokali;

3.

iqis li, filwaqt li l-istabbiltà politika, l-iżvilupp ekonomiku u standard għoli tal-għajxien għan-nies tal-Ġeorġja huma ta’ importanza kbira għall-UE, it-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta’ bejniethom sar aktar u aktar importanti wara l-aħħar tkabbir tal-UE, bis-sħubija tar-Rumanija u l-Bulgarija, li t-tnejn li huma jaqsmu l-istess baħar magħha, l-aktar meta wieħed jikkunsidra l-programm tas-Sinerġija tal-Baħar tat-Tramuntana;

4.

jilqa’ l-iffirmar ta’ ftehim ta’ faċilitazzjoni tal-viża mal-Ġeorġja, peress li dan huwa messaġġ min-naħa tal-UE li hija miftuħa għaċ-ċittadini tal-Ġeorġja;

5.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Ġeorġja ġiet integrata fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u fl-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) u li ġiet assoċjata fis-Sħubija tal-Lvant. Jinnota li din l-inizjattiva toffri l-possibbiltà li l-pajjiż jissoda r-relazzjonijiet tiegħu mal-UE;

6.

jenfasizza l-importanza tal-inizjattiva tas-Sħubija tal-Lvant fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u jaqbel mal-għanijiet tagħha, li huma dawn: il-konformità mas-sisien tal-istat tad-dritt u l-governanza t-tajba, ir-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi u l-aċċettazzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija tas-suq u l-iżvilupp sostenibbli;

7.

jinsab kuntent li l-Kummissjoni Ewropea stednitu jieħu sehem fis-Sħubija tal-Lvant u, b’mod partikolari fil-ħidma mwettqa fil-kuntest tal-pjattaformi tematiċi: “Demokrazija, governanza tajba u stabbiltà” u “Kuntatti interpersonali”;

8.

jenfasizza li l-Politika Ewropea tal-Viċinat tfasslet sabiex inkunu nistgħu mmorru lil hinn mil-linji li jifirdu lill-Ewropa, billi ż-żona ta’ disseminazzjoni tad-demokrazija, il-prosperità u s-sigurtà tinfirex bil-mod il-mod;

9.

jappella lill-UE u lill-Ġeorġja sabiex, permezz tal-programmi ta’ ġemellaġġ u tas-sekondar kif ukoll tal-programmi l-oħra ta’ appoġġ li jeżistu, jagħmlu użu tajjeb mill-għarfien u l-esperjenza wiesgħa miksuba mill-Istati Membri l-ġodda matul ir-riformi soċjali u ekonomiċi tagħhom;

10.

jenfasizza l-ħtieġa li l-programmi u l-inizjattivi differenti jiġu kkoordinati u li l-proġetti u l-istrumenti operattivi jingħaqdu flimkien, sabiex jiġi evitat ix-xogħol doppju fl-attivitajiet differenti tal-UE;

11.

fid-dawl tal-elezzjonijiet lokali ta’ Mejju 2010, jilqa’ l-progress li sar biex jintlaħqu l-istandards internazzjonali, iżda hemm ċerti nuqqasijiet li għadhom iridu jiġu indirizzati; b’mod partikolari, filwaqt li l-elezzjonijiet ġew organizzati b’mod trasparenti, inklużiv u professjonali u kien hemm titjib sinifikanti li juri li l-awtoritajiet qed jippruvaw jindirizzaw in-nuqqasijiet ta’ qabel, xorta waħda għad hemm tħassib dwar il-mobbilizzazzjoni tal-votanti, in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament ta’ ċerti kandidati u kultant nuqqas ta’ ċarezza fil-fruntieri bejn l-attività tal-gvern b’finanzjament pubbliku u l-attività tal-partiti politiċi;

Il-prijoritajiet għall-iżvilupp tal-awtoritajiet lokali

12.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tassew essenzjali li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jiksbu l-għanijiet tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fil-Ġeorġja. Din il-missjoni hija bbażata prinċipalment fuq il-kontribut li jagħtu biex jiżguraw l-iżvilupp lokali, itejbu r-relazzjonijiet ekonomiċi fil-livell lokali, jinfurzaw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fondamentali, jiffaċilitaw il-mobbiltà u jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ kuntatti reċiproċi;

13.

jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri u l-istrutturi ekwivalenti fil-Ġeorġja jikkonkludu ftehimiet, jinsġu kollaborazzjonijiet diretti, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jħaddmu l-mobbiltà, bil-għan li jaqsmu l-għarfien u l-mekkaniżmi ta’ għajnuna fir-rigward tal-iżvilupp fil-livell lokali u reġjonali;

14.

jenfasizza li għandha tingħata prijorità lit-tisħiħ tal-awtoritajiet lokali fil-Ġeorġja. Iqis li għandhom jiġu allokati mezzi finanzjarji aktar b’saħħithom għall-iżvilupp tal-kapaċità amministrattiva fil-livell lokali. Fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant, dan ir-riżultat jista’ jinkiseb permezz ta’ Programmi tal-Bini Komprensiv tal-Istituzzjonijiet, li jkopru l-ġemellaġġi, il-konsultazzjonijiet f’livell għoli, it-taħriġ u l-iskambju tal-persunal, l-apprendistati u l-boroż ta’ taħriġ vokazzjonali. Jidher ukoll li huwa indispensabbli li l-Ġeorġja tingħata l-għajnuna sabiex tibni s-sisien akkademiċi meħtieġa fil-qasam tar-riċerka dwar l-awtonomija territorjali u l-iżvilupp reġjonali;

15.

jirrakkomanda li, bl-għajnuna konkreta tal-UE, il-Ġeorġja timmodernizza l-istandards amministrattivi tal-awtoritajiet lokali tagħha u ssaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tagħhom. Wieħed mill-modi ta’ kif dan il-għan jista’ jintlaħaq jikkonsisti fit-tisħiħ u l-iżvilupp tad-djalogu politiku, il-kuntatti interpersonali u l-istrumenti tal-ġemellaġġ kif ukoll fl-iskambju tal-prattika t-tajba bejn atturi Ewropej u Ġeorġjani li huma involuti fit-twettiq tar-riformi poltiċi u soċjali;

16.

iħeġġeġ lill-gvern Ġeorġjan jipproċedi għal tibdil fil-leġislazzjoni tiegħu sabiex din tkun f’konformità mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija Lokali, kif ukoll jimmodifika l-istruttura tal-awtoritajiet fil-livell reġjonali sabiex dawn iservu ta’ stimolu għall-iżvilupp. B’mod partikolari, jidher li huwa indispensabbli li tingħata definizzjoni legali tal-funzjonament tar-reġjuni bħala entitajiet territorjali tal-pajjiż kif ukoll li jiġu stabbiliti l-kompetenzi tal-awtoritajiet reġjonali;

17.

jinnota b’sodisfazzjon li l-awtoritajiet lokali tal-Ġeorġja, fil-forma ġdida tagħhom li daħlet fis-seħħ erba’ snin ilu, intlaqgħu b’suċċess kbir. Il-pajjiż irnexxielu jfassal skema ta’ finanzjament aktar effiċjenti u trasparenti għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, ikompli jiżviluppa l-infrastruttura lokali u jipprovdi l-appoġġ tiegħu għall-promozzjoni tal-attivitajiet tal-kumpaniji lokali. Iżda minkejja dan il-progress, għad baqa’ ħafna xi jsir;

18.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Ġeorġja biex fil-ġejjieni jikkunsidraw il-possibbiltà li, hekk kif l-awtonomija lokali tal-pajjiż tibda tissaħħaħ, jintroduċu livell aktar baxx ta’ gvern lokali jew li jżidu n-numru eżistenti ta’ muniċipalitajiet. Fil-fehma tiegħu, l-attività tal-awtoritajiet lokali li jinsabu fl-aktar livell baxx tiggarantixxi soluzzjonijiet aktar effiċjenti u rapidi għall-problemi lokali, aktar impenn min-naħa tal-abitanti u sentiment akbar ta’ responsabbiltà fir-rigward tal-proġetti komuni. Jitlob ukoll li tiġi kkunsidrata l-idea li jinħolqu awtoritajiet fil-livell reġjonali;

19.

jinnota b’sodisfazzjon li d-dispożizzjonijiet leġislattivi l-ġodda, li ġew stabbiliti wara l-elezzjonijiet lokali tal-2010, saħħu l-importanza tal-kunsilli bħala entitajiet rappreżentattivi eletti permezz ta’ elezzjonijiet lokali, meta mqabblin mas-sindki;

20.

jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet Ġeorġjani biex itejbu l-mekkaniżmi li jirregolaw it-trasferiment tal-fondi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u dawk maħsuba għall-bżonnijiet tal-implimentazzjoni tal-iżvilupp reġjonali tal-pajjiż. Jirrakkomanda li l-Ministeru tal-Iżvilupp Reġjonali jingħata sehem akbar f’dawn il-mekkaniżmi, għad-detriment tal-monopolju li jinsab f’idejn il-Ministeru tal-Finanzi li mhuwiex f’pożizzjoni li jidentifika l-bżonnijiet tar-reġjuni bl-istess reqqa ta’ servizz maħsub apposta biex jaqdi din il-funzjoni;

21.

josserva li l-Ġeorġja għandha bżonn deċentralizzazzjoni finanzjarja: aktar minn 90 % tad-dħul tal-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet lokali jiddependi mill-allokazzjonijiet tal-baġit tal-Istat;

22.

jappella lill-gvern Ġeorġjan sabiex jintroduċi tibdil fil-kodiċi elettorali b’mod li l-kandidati independenti jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-elezzjonijiet lokali organizzati fil-pajjiż: b’hekk, id-dimensjoni politika tal-awtoritajiet lokali tal-Ġeorġja tonqos u jkunu jistgħu jiġu integrati fi ħdanhom mexxejja lokali;

23.

huwa tal-parir li l-awtoritajiet pubbliċi Ġeorġjani jfasslu mekkaniżmi sabiex ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom aktar fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-iżvilupp reġjonali u tat-testi nazzjonali l-oħra li jikkonċernaw l-iżvilupp ta’ kull muniċipalità;

24.

jinsisti sabiex ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali Ġeorġjani jkollhom il-possibbiltà, bħalma huwa l-każ tal-kontropartijiet tagħhom fil-livell tal-gvern ċentrali u minn kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess, li jieħdu sehem fil-ħidma dwar il-ftehimiet, ir-rapporti u l-pjani ta’ azzjoni mfassla fuq il-bażi tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Ġeorġja, b’mod partikolari fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, kif ukoll fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm Indikattiv Nazzjonali (PIN);

25.

jappella lill-gvern Ġeorġjan sabiex ifassal mekkaniżmi li permezz tagħhom ikun jista’ jiddjaloga mal-awtoritajiet pubbliċi fil-livell lokali, mal-imsieħba soċjali u mas-soċjetà ċivili u jikkonsultahom, u b’hekk jinvolvihom fil-proċess ta’ kooperazzjoni mal-UE;

26.

jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fit-twettiq tal-proġetti fl-erba’ oqsma ewlenin imsemmija fid-Dokument ta’ Strateġija dwar il-Kooperazzjoni Transkonfinali 2007-2013, li huma dawn:

l-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

il-preservazzjoni tal-ambjent, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

ir-risposta għall-problemi tal-moviment transkonfinali;

il-kuntatti interpersonali.

Jitlob li tittieħed azzjoni fil-qafas ta’ proġetti fuq skala iżgħar, fejn il-prijorità tingħata lil dawk li l-għan tagħhom hu li jtejbu l-istandard tal-għajxien tal-popolazzjoni;

27.

jenfasizza r-rwol tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi lokali u tal-mezzi tax-xandir lokali, bħala entitajiet li jħarsu u jikkontrollaw il-funzjonament tajjeb tal-awtoritajiet lokali, it-trasparenza tal-attivitajiet tagħhom u l-effetti konkreti tal-azzjoni tagħhom. Il-mezzi tax-xandir u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi huma wkoll ta’ importanza konsiderevoli meta jiġu biex janalizzaw il-problemi konkreti tal-awtoritajiet u l-komunitajiet lokali u jiddiskutu soluzzjonijiet possibbli għalihom u jimplimentawhom;

28.

jagħti parir lill-istituzzjonijiet Ewropej li jappoġġjaw aktar bis-sħiħ lill-organizzazzjonijiet nongovernattivi u lill-mezzi tax-xandir lokali fil-Ġeorġja;

Il-prijoritajiet għall-iżvilupp reġjonali

29.

jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet l-iżvilupp reġjonali u l-appoġġ tas-settur agrikolu bħala qasam importanti ta’ attività sabiex titkompla, jew saħansitra tissaħħaħ, l-għajnuna li tingħata lill-Ġeorġja fil-qafas tal-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-2011-2013;

30.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li fl-2009 l-Ġeorgja waqqfet Ministeru tal-Iżvilupp Reġjonali u l-Infrastruttura, li sar sieħeb b’saħħtu għall-UE;

31.

jinnota b’sodisfazzjon li l-awtoritajiet Ġeorġjani inkludew l-iżvilupp reġjonali fost il-prijoritajiet politiċi tagħhom, biex b’hekk isaħħu l-ekonomija tal-pajjiż. Japprezza l-isforzi tal-Ġeorġja u s-suċċess li kisbet f’dan il-qasam ta’ azzjoni, filwaqt li jinnota li għad baqa’ ħafna xi jsir, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ approċċ minn isfel għal fuq;

32.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi Ġeorġjani jkomplu l-programm “Ġeorġja mingħajr faqar”, imniedi qabel il-gwerra tal-2008, u jiżviluppaw sistema ta’ assigurazzjoni għas-saħħa għal dawk li jinsabu l-aktar fil-bżonn. Fil-Ġeorġja, il-faqar għadu problema serja, u jeħtieġ li tinsab soluzzjoni għalih bis-saħħa tal-għajnuna tal-UE;

33.

jissuġġerixxi lill-awtoritajiet Ġeorġjani li, bl-għajnuna tal-UE, iniedu ġlieda attiva u determinata kontra l-qgħad, li għadu problema serja ħafna, b’mod partikolari fir-reġjuni rurali, u li joħolqu wkoll istituzzjonijiet li l-missjoni tagħhom tkun li jwettqu riċerka dwar il-qgħad u jiġġilduh. Jidher ukoll li huwa indispensabbli li tinsab soluzzjoni għall-kwistjoni tad-diskrepanza li teżisti bejn il-kwalifiki u t-taħriġ tan-nies u l-bżonnijiet reali tas-suq tax-xogħol;

34.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jitkomplew ir-riformi fl-agrikoltura Ġeorġjana, u li jitkompla l-iżvilupp tagħha. Jirrakkomanda lill-awtoritajiet pubbliċi Ġeorġjani li jilħqu ftehim dwar il-verżjoni definittiva tal-Istrategija dwar l-Iżvilupp Reġjonali tal-Ġeorġja u japprovawha, kif ukoll li jżidu l-investiment pubbliku u jistimolaw aktar investiment privat f’dan is-settur. Azzjoni bħal din tidher indispensabbli, meta wieħed jikkunsidra li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini Ġeorġjani li jgħixu taħt il-limitu tal-faqar joqogħdu prinċipalment fiż-żoni rurali;

35.

jilqa’ b’mod pożittiv l-isforzi li għamlet il-Ġeorġja biex ittejjeb il-kwalità tal-istħarriġ statistiku tagħha u, b’mod partikolari, il-liġi ġdida li ġiet ivvotata f’dan ir-rigward, li tipprevedi l-ħolqien ta’ Uffiċċju tal-Istatistika. Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri jagħtu l-għajnuna tagħhom għall-implimentazzjoni ta’ din il-liġi;

36.

jagħfas lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri tal-UE sabiex joffru l-għajnuna tagħhom lill-Ġeorġja biex ifasslu u jwettqu r-riċerka statistika, u jisiltu r-riżultati minnha. Politika reġjonali jew azzjoni għall-iżvilupp reġjonali ma jistgħux ikunu effiċjenti sakemm ma jkunx hemm data preċiża u speċifika għal kull reġjun;

37.

jaqbel li l-UE għandha tagħti l-appoġġ tagħha għat-tfassil ta’ pjan ta’ ġestjoni tal-art min-naħa tal-Ġeorġja;

38.

jinnota li fil-Ġeorġja l-problema tal-preservazzjoni tal-ambjent hija tassew importanti. Ir-riżorsi tan-natura (l-ilma, il-foresti, iż-żoni kostali, il-muntanji, l-arja, eċċ.) għandhom importanza konsiderevoli għall-ekonomija tagħha u għalhekk jagħtiha parir tkompli taħdem fuq strateġija dwar l-ambjent naturali u dwar kodiċi ta’ protezzjoni tal-ambjent. Jaqbel li, bl-għajnuna attiva tal-UE,għandha tfassal politika tal-protezzjoni tal-ambjent naturali u l-iżvilupp sostenibbli;

39.

josserva li għandha tiġi appoġġjata l-innovazzjoni fis-settur tax-xjenza u fl-ekonomija tal-Ġeorġja u jissuġġerixxi li l-istituzzjonijiet Ewropej jagħtu kas din il-kwistjoni;

40.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ġeorġjani jfasslu politika b’saħħitha biex jiżviluppaw l-ekonomija lokali u jippromovu l-iżvilupp tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fil-livell tar-reġjuni. F’dan ir-rigward, l-investiment fl-infrastruttura lokali u s-self b’rati baxxi jistgħu jkunu ta’ għajnuna;

Il-kooperazzjoni reġjonali

41.

josserva li l-kooperazzjoni reġjonali u transkonfinali hija fattur indispensabbli fis-soluzzjoni ta’ problemi komuni, f’oqsma bħall-ġestjoni tal-ilma, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-trasport, l-investiment barrani, l-enerġija, il-protezzjoni tal-ambjent jew it-tibdil fil-klima;

42.

jirrakkomanda lill-awtoritajiet lokali tal-Ġeorġja jagħmlu ħilithom sabiex irawmu kollaborazzjoni interreġjonali bejn ir-reġjuni tal-pajjiż, kif ukoll sabiex iħeġġuhom jieħdu sehem fin-netwerks internazzjonali ta’ kooperazzjoni. B’rabta ma’ din il-kwistjoni, jappella lill-gvern ċentrali sabiex isib soluzzjoni għall-kwistjonijiet li jolqtu d-diviżjoni territorjali tal-pajjiż, id-definizzjoni tar-reġjuni u l-kompetenzi tagħhom;

43.

jilqa’ l-fatt li l-implimentazzjonni tal-Programm ta’ Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri tal-Kawkażu tan-Nofsinhar ingħatat bidu, japprova d-direzzjoni l-ġdida taċ-Ċentru Reġjonali għall-Ambjent tal-Kawkażu u jitlob li jitkompla l-programm ta’ ġlieda kontra d-drogi fil-Kawkażu tan-Nofsinhar. Dawn l-inizjattivi kollha huma utli ħafna biex jiġu promossi l-kooperazzjoni reġjonali u l-istabbiltà f’din il-parti tad-dinja;

44.

jipproponi li s-Sħubija tal-Lvant tingħata dimensjoni tassew “territorjali” u għalhekk jappella lill-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi msieħba, b’mod partikolari l-Ġeorġja, biex jikkonkludu ftehim multilaterali li jkun jista’ jiżgura l-funzjonament tar-Ragruppamenti Ewropej ta’ Kooperazzjoni Territorjali (REKT) fir-reġjun involut fis-Sħubija tal-Lvant, li jinkludi l-Ġeorġja. Ir-REKT aktarx jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet transkonfinali, l-iskambju tal-esperjenza u l-kuntatti interpersonali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Ġeorġja u l-Istati Membri;

45.

b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, ser jagħmel sforzi kbar biex titfassal soluzzjoni li permezz tagħha d-djalogu regolari u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri u dawk tal-pajjiżi involuti fis-Sħubija tal-Lvant ikunu jistgħu jissaħħu, b’mod partikolari billi tiġi organizzata konferenza annwali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

46.

jaqbel mal-appell li għamlet il-Kummissjoni Ewropea sabiex jissaħħu r-rabtiet ta’ kooperazzjoni multilaterali, b’mod komplementari għad-Dimensjoni tat-Tramuntana u s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed. Iħeġġeġ il-koordinazzjoni tal-inizjattivi multilaterali meħuda fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, bħas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed u s-Sħubija tal-Lvant, sabiex jiġu żviluppati r-relazzjonijet bilaterali bejn l-UE u l-Ġeorġja;

Is-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni abitati minn minoranzi nazzjonali

47.

jinnota b’sodisfazzjon li l-awtoritajiet Ġeorġjani adottaw strateġija nazzjonali dwar l-integrazzjoni li fost l-oħrajn timmira lejn it-titjib tal-infrastruttura fir-reġjuni abitati minn minoranzi nazzjonali. Minkejja dawn l-isforzi, il-Kumitat jinnota li l-kwistjoni tal-integrazzjoni u d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali tal-Ġeorġja għadha preokkupanti;

48.

jilqa’ l-isforzi li għamlu s’issa l-awtoritajiet pubbliċi tal-Ġeorġja biex itejbu l-għarfien tal-lingwa nazzjonali fi ħdan il-minoranzi u biex jittraduċu għal-lingwa tagħhom il-kotba tal-iskola użati fil-programm uffiċjali ta’ tagħlim tal-pajjiż. Dan huwa pass importanti lejn l-istandardizzazzjoni tat-tagħlim madwar il-pajjiż kollu. Jeħtieġ li l-azzjonijiet f’dan il-qasam jitkomplew u jissaħħu, peress li n-nuqqas ta’ għarfien tal-Ġeorġjan fost il-membri tal-minoranzi għadu sfida kbira;

49.

jirrakkomanda lill-istituzzjonijiet tal-UE li jagħtu attenzjoni partikolari lill-każijiet ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ appartenenza etnika jew reliġjuża fil-Ġeorġja u li jipprovdu l-għajnuna kollha neċessarja (b’mod partikolari teknika, speċjalizzata u finanzjarja) sabiex fil-pajjiż ikunu jistgħu jinħolqu mekkaniżmi legali u istituzzjonali li jippromovu r-rispett tad-drittijiet tal-minoranzi u t-tisħiħ tal-integrazzjoni tagħhom fi ħdan is-soċjetà u bħala ċittadini;

50.

jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-entitajiet internazzjonali l-oħra impenjati fil-kwistjonijiet relatati mal-Ġeorġja sabiex jippromovu l-edukazzjoni permezz tal-informazzjoni u b’hekk jissensibilizzaw aktar lill-membri tal-minoranzi nazzjonali u reliġjużi tal-Ġeorġja dwar l-aspetti kemm legali u politiċi kif ukoll relatati maċ-ċittadinanza;

51.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet ċentrali tal-Ġeorġja jfasslu mekkaniżmi adegwati sabiex jiġi evitat li l-membri tal-minoranzi jiġu esklużi mill-ħajja soċjali, politika u pubblika tal-pajjiż;

52.

jappella lill-awtoritajiet Ġeorġjani sabiex ifasslu politika li permezz tagħha d-diffikultajiet reali tal-minoranzi jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod adegwat u solvuti malajr u b’mod effiċjenti, bis-saħħa tal-parteċipazzjoni attiva tal-persuni kkonċernati kollha, li jinkludu l-ewwel nett ir-rappreżentanti tal-awtorità ċentrali, tal-awtoritajiet lokali u tal-minoranzi, iżda wkoll dawk tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tas-settur privat, tal-komunitajiet lokali u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali;

53.

jenfasizza li r-responsabbiltà konġunta u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet imwettqa mill-awtoritajiet, l-amministrazzjonijiet lokali u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi fir-rigward tal-minoranzi nazzjonali u reliġjużi tal-Ġeorġja huma ta’ importanza kapitali;

Is-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni milquta mill-kunflitt

54.

jilqa’ l-impenn tal-UE sabiex ittemm il-gwerra ta’ Awwissu 2008 bejn ir-Russja u l-Ġeorġja u biex tindirizza l-effetti negattivi tagħha, kif ukoll sabiex tifforma missjoni ta’ monitoraġġ tal-UE (EUMM) fil-Ġeorġja u tipprovdi għajnuna ta’ wara l-gwerra lil dan il-pajjiż;

55.

japprezza u jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tal-UE, flimkien man-NU u l-OSKE, fin-negozjati ta’ Ġinevra, imnedin fl-2008 bil-għan li jservu bħala forum għad-djalogu u pjattaforma għall-proċess tas-soluzzjoni tal-kunflitt;

56.

jilqa’ l-kooperazzjoni kontinwa bejn in-NATOu l-Ġeorġja fil-qasam tar-riformi demokratiċi, istituzzjonali u dawk relatati mad-difiża, bil-għan li l-Ġeorġja titħejja għal sħubija eventwali fl-Alleanza u għal aktar stabbiltà fir-reġjun;

57.

jenfasizza li l-UE tibqa’ tirrikonoxxi l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u l-invijolabbiltà tal-fruntieri tagħha u li tappoġġja bis-sħiħ is-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti;

58.

jirrakkomanda li l-missjoni ta’ monitoraġġ tal-UE fil-Ġeorġja u l-mibgħut speċjali tal-UE fil-Kawkażu tan-Nofsinhar ikomplu josservaw bir-reqqa t-tnejn li huma l-iżviluppi tas-sitwazzjoni fiż-żoni tal-kunflitt;

59.

jistenna li r-Russja tirrispetta l-klawżoli tal-ftehimiet li ffirmat sabiex ittemm il-kunflitt ta’ Awwissu 2008 u sabiex treġġa’ lura lill-forzi militari tagħha lejn il-pożizzjonijiet li kienu jokkupaw qabel ma beda l-kunflitt, kif ukoll sabiex ma tibqax timpedixxi lill-missjoni ta’ monitoraġġ tal-UE milli jkollha aċċess għat-territorju tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar;

60.

jinsab sodisfatt li l-awtoritajiet Ġeorġjani adottaw Strateġija Nazzjonali dwar il-Persuni Spostati Internament għall-perijodu 2009-2012 li tkopri lil dawk kollha li ġew spostati internament;

61.

japprezza l-iżvilupp pożittiv li ġabet magħha l-adozzjoni mill-gvern Ġeorġjan, f’Jannar 2010, ta’ “Strateġija nazzjonali dwar it-territorji okkupati: l-impenn permezz tal-kooperazzjoni”, kif ukoll l-intenzjoni ddikjarata li jinbidel id-dokument intitolat “Il-liġi fit-territorji okkupati”, li dwaru l-Kunsill tal-Ewropa esprima riżervi serji;

62.

jirrakkomanda bis-sħiħ li tkompli tingħata l-għajnuna lir-reġjuni milquta mill-kunflitt reċenti u jqis li jeħtieġ li jiġu mmobilizzati aktar riżorsi, b’mod partikolari għall-għajnuna tar-refuġjati (interni), li d-djar u l-infrastruttura jinbnew mill-ġdid u li jingħata appoġġ lid-djalogu fi ħdan is-soċjetà lokali kif ukoll lill-miżuri li jippromovu l-fiduċja;

Kummenti finali

63.

jenfasizza li bilkemm għadddew sitt snin minn mindu seħħet ir-“Rivoluzzjoni tal-Ward”, li nediet era ta’ tibdil u ta’ riformi fil-Ġeorġja u li matulha l-pajjiż intlaqat mill-gwerra u mill-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika dinjija. Minkejja l-perijodu ta’ żmien limitat u d-diffikultajiet li qamu matul dan il-perijodu, il-Ġeorġja rnexxielha twettaq progress kbir fit-triq lejn id-demokrazija, lejn ekonomija tas-suq u lejn l-iżvilupp;

64.

jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza primordjali tal-appoġġ li l-UE tagħti lill-awtoritajiet lokali u lill-iżvilupp reġjonali fil-Ġeorġja, pajjiż li jinsab f’reġjun politikament instabbli, li kellu jiffaċċja bidliet kontinwi fil-gvern u li, wara l-waqgħa tal-Unjoni Sovjetika, kien involut f’numru sostanzjali ta’ każijiet ta’ ġlied bl-armi jew ta’ kunflitti bierda. Il-Ġeorġja tinsab f’reġjun li għandu diversità straordinarja, kemm etnika, kif ukoll lingwistika, reliġjuża u storika, u s’issa għad m’għandhiex drawwiet demokratiċi ankrati tajjeb bħalma nsibu fl-Ewropa. Huwa proprju għalhekk li l-investiment fl-iżvilupp u t-tisħiħ tal-awtoritajiet lokali u tal-awtonomija lokali kif ukoll l-iżvilupp reġjonali huma tal-akbar importanza, kemm għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-abitanti kif ukoll għall-proċess ta’ demokratizzazzjoni tal-pajjiż. Jikkontribwixxu wkoll għall-promozzjoni tal-valuri Ewropej u għall-ħolqien ta’ atmosfera ta’ fiduċja fost iċ-ċittadini Ġeorġjani fir-rigward tal-UE;

65.

ifakkar fl-importanza kapitali li għandu għall-UE l-iżvilupp politiku u ekonomiku tal-Ġeorġja, li tinsab kekk fil-qrib tal-UE u f’reġjun strateġiku fir-rigward tar-rotot tal-provvista tal-enerġija u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li tinsab qrib żoni kkaratterizzati mill-instabbiltà politika. Li l-Ġeorġja tingħata l-appoġġ sabiex tkompli tagħmel ħilitha biex toqrob lejn l-UE għandha tkun waħda mill-prijoritajiet tal-UE.

Brussell, 6 ta’ Ottubru 2010.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO