ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.354.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 354

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
28 ta' Diċembru 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-461 sessjoni plenarja fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010

2010/C 354/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) u l-istrateġija ta’ segwitu

1

2010/C 354/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Persuni b’diżabilità: l-impjieg u l-aċċessibbiltà fi stadji għal persuni b’diżabilità fl-UE. L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010 (opinjoni esploratorja)

8

2010/C 354/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti (opinjoni esploratorja)

16

2010/C 354/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Politika Ewropea tat-trasport fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010 u tal-Istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli (Opinjoni esploratorja)

23

2010/C 354/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Bidliet industrijali u prospettivi tas-settur motoċiklistiku fl-Ewropa (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

30

2010/C 354/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-riforma tal-PAK fl-2013 (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

35

2010/C 354/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-tema Għal governanza ġdida tal-organizzazzjonijiet internazzjonali

43

2010/C 354/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent

50

2010/C 354/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-presidenza tal-Kunsill tal-UE (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

56

2010/C 354/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona: id-demokrazija parteċipattiva u l-inizjattiva taċ-ċittadini (Artikolu 11) (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

59

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-461 sessjoni plenarja fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010

2010/C 354/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk ta’ marlozz tat-Tramuntana u s-sajd li qed jisfrutta dak l-istokkCOM(2009) 122 finali — 2009/0039 (CNS)

66

2010/C 354/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni rigward is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku(opinjoni fuq inizjattiva proprja) COM(2009) 151 finali — 2009/0051 (CNS)

67

2010/C 354/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-istokk tal-Punent ta’ sawrell tal-Atlantiku u s-sajd li jisfrutta dak l-istokkCOM(2009) 189 finali — 2009/0057 (CNS)

68

2010/C 354/14

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk ta' inċova fil-Bajja ta' Biscay u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk COM(2009) 399 finali — 2009/0112 (CNS)

69

2010/C 354/15

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ dokumentazzjoni tal-qbid għat-tonn Thunnus thynnus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1984/2003COM(2009) 406 finali — 2009/0116 (CNS)

70

2010/C 354/16

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-Żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran)COM(2009) 477 finali — 2009/0129 (CNS)

71

2010/C 354/17

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 247/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar ’il bogħod tal-UnjoniCOM(2009) 510 finali — 2009/0138 (CNS)

72

2010/C 354/18

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Il-Qafas Ġejjieni tal-Liġi tal-Kompetizzjoni applikabbli għas-settur tal-vetturi bil-muturCOM(2009) 388 finali

73

2010/C 354/19

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f’dinja li qed tinbidelCOM(2009) 442 finali

80

2010/C 354/20

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 1998/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-SwieqCOM(2009) 576 finali — 2009/0161 (COD)

85

2010/C 354/21

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakulturaCOM (2009) 541 finali — 2009/0153 (CNS)

88

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-461 sessjoni plenarja fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010

28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) u l-istrateġija ta’ segwitu”

2010/C 354/01

Relatur: Laura GONZÁLEZ DE TXABARRI ETXANIZ

Permezz tal-ittra tagħha tal-25 ta’ Settembru 2009, is-Sinjura Margot Wallström, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

Il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) u l-istrateġija ta’ segwitu

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Frar 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010 (seduta tas-17 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’137 voti favur, 3 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1

Barra li hija għan fiha nfisha, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prerekwiżit biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE għat-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali.

1.2

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza qed isseħħ fi żmien ta’ kriżi ekonomika. Huwa importanti li jiġi nnotat l-impatt u l-konsegwenzi ta’ din il-kriżi fuq in-nisa u l-irġiel, fid-dawl tal-pożizzjonijiet differenti li dawn jokkupaw fis-soċjetà.

1.3

L-ugwaljanza għandha tiġi integrata fil-politiki kollha, b’mod partikolari fil-politiki soċjali u dawk tal-impjieg, u l-isforzi għandhom jiżdiedu sabiex jiġu eliminati l-ostakli li jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u ugwali tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol.

1.4

Bil-għan li tiġi żgurata u titjieb l-indipendenza finanzjarja tan-nisa, għandhom jitjiebu kemm il-kwantità kif ukoll il-kwalità tal-impjieg tan-nisa, inkluż appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom. Ir-riskju li qed jiffaċċjaw in-nisa li jispiċċaw f’sitwazzjoni prekarja għandu jiġi indirizzat u għandha titħeġġeġ distribuzzjoni ġusta tar-responsabbiltajiet domestiċi u dawk tal-familja.

1.5

Paga inugwali għandha kawżi strutturali: il-fatt li l-ħiliet li tradizzjonalment huma meqjusin bħala femminili mhumiex stmati biżżejjed, is-segregazzjoni settorjali u tal-impjieg, l-impjieg prekarju, il-waqfiet fil-ħajja tax-xogħol, eċċ. Il-leġiżlazzjoni u l-ftehimiet kollettivi huma strumenti effettivi għall-ġlieda kontra l-inugwaljanza fil-pagi, bil-ħtieġa tal-involviment tal-partijiet interessati ekonomiċi u soċjali kollha.

1.6

Il-preżenza akbar ta’ nisa fin-negozju u l-attivitajiet politiċi tippromovi l-ugwaljanza, l-indipendenza ekonomika tan-nisa, ir-rebħa fuq l-isterjotipi skont is-sessi u l-promozzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni.

1.7

In-nisa huma partikolarment esposti għall-esklużjoni soċjali u l-faqar. It-tfassil ta’ drittijiet soċjali skont il-bżonnijiet individwali, il-garanzija ta’ paga minima u li jitqiesu l-perijodi ta’ inattività u s-sigħat ta’ xogħol imnaqqsa sabiex in-nisa jkunu jistgħu jieħdu ħsieb il-familjari/id-dipendenti tagħhom huma miżuri li jtejbu l-protezzjoni soċjali u jnaqqsu r-riskju li persuni jispiċċaw fil-faqar.

1.8

Ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u x-xogħol hija kruċjali għall-ksib tal-ugwaljanza u t-titjib tal-impjiegi għan-nisa: servizzi soċjali pubbliċi ta’ kwalità tajba u t-titjib tal-leave eżistenti tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri. Hemm bżonn li jsir progress sabiex il-partijiet interessati kollha jassumu r-responsabbiltà biex jiżguraw li l-kompiti domestiċi u dawk tal-kura jitqassmu b’mod ġust.

1.9

Il-KESE jqis li għandha tiġi promossa r-rappreżentazzjoni ugwali tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom aktar billi jistabbilixxu miri ċari u jimplimentaw miżuri effettivi, bħal pereżempju azzjoni pożittiva, pjani favur l-ugwaljnaza, eċċ.

1.10

Fid-dawl tal-persistenza tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi u tat-traffikar tal-bnedmin, il-Kumitat jemmen li l-leġiżlazzjoni attwali għandha tiġi applikata u għandhom jitfasslu pjani nazzjonali, ikkoordinati minn strateġija globali Ewropea, u li għandhom jissaħħu programmi speċifiċi f’dan il-qasam.

1.11

Il-KESE jemmen li l-isterjotipi sessisti għandhom jiġu miġġielda billi s-soċjetà tiġi edukata b’mod mhux sessist, permezz ta’ taħriġ kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, billi aktar nisa jitħeġġu jistudjaw suġġetti xjentifiċi u teknoloġiċi, jiġu stmati aktar l-impjiegi li tradizzjonalment huma meqjusa bħala femminili u jiġi evitat kull tip ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sessi fil-mezzi tax-xandir.

1.12

Il-politika barranija u ta’ żvilupp tal-UE għandha tintuża għall-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa fix-xena internazzjonali, it-titjib tal-ħiliet tagħhom u l-għoti ta’ setgħa.

1.13

Il-KESE jqis li l-analiżi tas-sessi għandha tiġi integrata bis-sħiħ fl-oqsma kollha tal-attività tal-Kummissjoni u għandha tiġi rikonoxxuta fil-baġits Ewropej u nazzjonali. Biex dan jiġi żgurat ser ikun hemm bżonn persunal imħarreġ fi kwistjonijiet ta’ ugwaljanza. Barra minn hekk, jinħtieġu wkoll indikaturi skont is-sessi li juru s-sitwazzjoni li taffettwa lin-nisa u l-irġiel u li jevalwaw il-livell ta’ konformità mal-pjan favur l-ugwaljanza.

1.14

Fl-istrateġija l-ġdida tal-ugwaljanza li għandha tapplika mill-2010 l-objettivi ma jistgħux ikunu sempliċi rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni lill-Istati Membri. Minflok, dawn għandhom ikunu direttivi vinkolanti b’objettivi kwantifikabbli. Huwa meħtieġ involviment politiku akbar fil-livelli kollha. L-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaqdu rwol mexxej bl-eżempju li jagħtu u permezz ta’ reviżjoni proattiva tal-ħidma li saret u valutazzjoni tal-impatt tal-implimentazzjoni.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa 2006-2010 juri l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea, li qed taħdem flimkien mal-Istati Membri, biex tikseb progress fl-ugwaljanza. Fuq talba tal-Kummissjoni, il-KESE qed jirrevedi l-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza, qed jeżamina l-impatt tal-miżuri li ġew adottati u sa liema grad dawn inkisbu, u qed jagħmel proposti għal azzjoni għall-istrateġija l-ġdida fl-2010.

2.2

Il-KESE jirrikonoxxi l-impenn wiesa’ tal-UE għall-ugwaljanza: it-Trattat ta’ Ruma tal-1957 introduċa l-prinċipju ta’ paga ugwali, it-Trattat ta’ Amsterdam tal-1999 adotta approċċ doppju li jgħaqqad metodu transettorjali flimkien ma’ miżuri speċifiċi, u t-Trattat ta’ Lisbona għandu impenn espliċitu li jelimina l-inugwaljanzi u jippromovi l-ugwaljanza.

2.3

Fil-livell internazzjoni, l-UE ipparteċipat għall-Pjattaforma għal Azzjoni ta’ Beijing, l-Għanijiet tal-Millennju, u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW), li jqiegħdu lin-nisa sew fiċ-ċentru tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem.

2.4

Minkejja dan il-qafas regolatorju wiesa’, l-għanijiet iddikjarati baqgħu ma nkisbux, u l-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel xorta għadha realtà. Fis-sitt oqsma ta’ prijorità tal-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) għadha ma saritx bidla sostanzjali fl-ugwaljanza bejn is-sessi. Għalhekk ir-rieda politika li sseħħ bidla trid titqies b’mod kritiku. L-integrazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi, li hija fattur ewlieni għall-kompetittività u t-tkabbir, għandha tkun prijorità għall-Istrateġija ta’ Azzjoni 2020 l-ġdida tal-UE.

2.5

L-evalwazzjoni tal-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2006-2010) qed isseħħ waqt tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, u għandhom jiġu eżaminati l-implikazzjonijiet tal-kriżi fuq in-nisa, fid-dawl tal-pożizzjoni differenti tagħhom fis-suq tax-xogħol u fil-politiki ta’ infiq soċjali pubbliku, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-servizzi soċjali, li huma l-politiki li jolqtu l-aktar lin-nisa.

2.6

Il-kriżi affettwat l-ewwel is-setturi li tradizzjonalment jaħdmu fihom l-irġiel, bħall-kostruzzjoni, it-trasport u l-industrija, u mbagħad infirxet f’setturi oħra fejn jaħdmu proporzjoni ikbar ta’ nisa (pereżempju s-servizzi bankarji u s-settur kummerċjali). B’hekk f’ħafna familji l-paga tal-mara saret l-uniku sors ta’ dħul, li ġeneralment huwa aktar baxx mid-dħul tal-irġiel peress li n-nisa għandhom tendenza jkunu impjegati fis-settur tas-servizzi, fuq kuntratti part-time jew temporanji, jew f’xogħol mhux iddikjarat. Dawn il-fatturi kollha għandhom effett detrimentali fuq l-ekonomija nazzjonali, għax ixekklu l-konsum privat u jnaqqsu r-ritmu tal-irkupru.

2.7

Il-kriżi għandha effett ukoll fuq il-politiki soċjali: in-nisa jirċievu inqas benefiċċji tal-qgħad kemm mil-lat ta’ kwantità kif ukoll mil-lat ta’ tul ta’ żmien, minħabba l-pożizzjoni tagħhom, li ħafna drabi tkun waħda aktar dgħajfa, fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, servizzi bażiċi pubbliċi bħall-kura tas-saħħa jew l-edukazzjoni, u s-servizzi soċjali b’mod ġenerali jipprovdu anqas għajnuna fi żmien meta l-familji, b’mod speċjali n-nisa, l-aktar li għandhom bżonn. Peress li dawn huma wkoll is-setturi fejn hija kkonċentrata is-saħħa femminili tax-xogħol, dan ser jerġa’ jkollu effett dirett fuq l-impjieg tan-nisa.

2.8

Miżuri kontra l-kriżi ma’ jistgħux ikunu newtrali mil-lat tas-sessi, u fejn meħtieġ, il-politiki l-ġodda għall-irkupru ekonomiku u l-programmi tal-Fondi Strutturali attwali għandhom jikkunsidraw il-pożizzjonijiet differenti li jokkupaw l-irġiel u n-nisa fis-soċjetà.

2.9

L-ugwaljanza għandha tkun prijorità, mhux biss biex tindirizza l-kriżi attwali u l-irkupru fit-tul, iżda wkoll biex tittratta l-isfidi demografiċi u ekonomiċi li jaffettwaw il-mudell soċjali Ewropew u li għandhom impatt fuq in-nisa u fuq l-indipendenza finanzjarja tagħhom.

3.   Kummenti speċifiċi – Parti I: oqsma prijoritarji ta’ azzjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

Il-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza 2006-2010 jelenka l-impenji u l-miżuri meħtieġa għal progress fl-ugwaljanza u biex jiġu eliminati l-inugwaljanzi.

L-ewwel parti tal-pjan jistabbilixxi sitt oqsma ta’ prijorità għal azzjoni politika, flimkien mal-indikaturi korrispondenti tagħhom:

1.

Il-ksib ta’ indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u għall-irġiel

2.

Ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja privata u dik tal-familja

3.

Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet

4.

It-tneħħija ta’ kull forma ta’ vjolenza bbażata fuq is-sessi

5.

L-eliminazzjoni tal-isterjotipi sessisti

6.

Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki esterni u dawk ta’ żvilupp

It-tieni parti tiffoka fuq it-titjib tal-governanza.

3.1   Niksbu indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u għall-irġiel

3.1.1   Nilħqu l-miri ta’ Lisbona dwar l-impjieg

3.1.1.1

Bosta pajjiżi għad mhux qed jirnexxilhom jilħqu l-mira tal-Istrateġija ta’ Lisbona ta’ 60 % ta’ nisa li jaħdmu. Filwaqt li 70,9 % tal-irġiel huma impjegati, 58,8 % biss tan-nisa għandhom xogħol (1), u fil-kategorija tal-età ta’ ‘l fuq minn 55 sena, 36,8 % tan-nisa huma impjegati meta mqabbla ma’ 55 % tal-irġiel. Iktar hemm possibbiltà li n-nisa jkunu bla xogħol, iżda d-differenza qed tonqos hekk kif il-kriżi ekonomika qed tiżviluppa (9,8 % meta mqabbla ma’ 9,6 % tal-irġiel).

3.1.1.2

Hemm bżonn jitjiebu kemm in-numru ta’ impjiegi disponibbli għan-nisa kif ukoll il-kwalità ta’ dawn l-impjiegi, peress li hemm wisq nisa fis-setturi mhux imħallsin tajjeb u b’impjiegi li qegħdin f’iktar periklu li jkunu prekarji. Hemm predominanza ta’ nisa wkoll fix-xogħol part-time ukoll (31,5 % tan-nisa meta mqabbla ma’ 8,3 % tal-irġiel) u 14,3 % tal-impjegati nisa huma impjegati b’kuntratt temporanju. Barra minn hekk, meta n-nisa jkunu ommijiet ukoll, ir-rata tal-impjieg tagħhom tonqos b’aktar minn 10 punti perċentwali li jirrifletti d-distribuzzjoni inugwali tal-kompiti tal-familja u l-infrastruttura insuffiċjenti tal-kura.

3.1.1.3

Il-KESE jirrakkomanda li jsir studju konġunt tar-rati tal-qgħad tan-nisa u tar-rata tal-inattività tan-nisa minħabba raġunijiet tal-familja (2). Minħabba r-rwol tagħhom ta’ persuni li jieħdu ħsieb tal-oħrajn, in-nisa sikwit ma jissodisfawx il-kritejru biex jiġu kkunsidrati “qiegħda”, u għaldaqstant l-inattività ssir forma ta’ qgħad mistur.

3.1.1.4

Huwa meħtieġ approċċ multidixxiplinari peress li dan jikkompleta l-politiki tal-impjieg permezz ta’ miżuri edukattivi u soċjali oħra, inkluża forma ta’ edukazzjoni li telimina l-isterjotipi fl-impjiegi u servizzi soċjali pubbliċi ta’ kwalità tajba li jiggarantixxu kura għall-persuni dipendenti u kampanji għas-sensibilizzazzjoni dwar il-qsim tax-xogħol domestiku bejn in-nisa u l-irġiel.

3.1.1.5

Il-Kummissjoni għandha tinkludi u tippromovi l-ugwaljanza fil-programmi kollha tagħha (kif tagħmel ukoll bil-programm PROGRESS). Il-Fondi Strutturali jipprovdu l-qafas ideali; dawn jipprovdu informazzjoni dwar kif il-pajjiżi qed jiksbu dan l-għan, iwettqu evalwazzjoni annwali tal-impatt fuq is-sessi ta’ dawn il-miżuri skont il-pajjiż, u wkoll biex jiġu stabbiliti miżuri u pieni adegwati għal pajjiżi li ma jiżgurawx il-kwantità u l-kwalità ta’ impjiegi għan-nisa.

3.1.2   Neliminaw differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel

3.1.2.1

Il-ksib tal-ugwaljanza fil-pagi hija kruċjali għall-ugwaljanza, iżda minkejja l-avvanzi li saru fil-leġiżlazzjoni, id-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel telgħet għal 17,4 %, u anki sa 30 % għal nisa ta’ ‘l fuq minn 50 sena.

3.1.2.2

Id-diskrepanzi fil-pagi għandhom oriġini strutturali: is-segregazzjoni f’setturi ekonomiċi li mhumiex stmati biżżejjed u fi professjonijiet b’pagi baxxi; preżenza akbar fl-ekonomija mistura u f’impjiegi prekarji, waqfiet mill-karriera jew anqas sigħat ta’ xogħol minħabba raġunijiet tal-familja – dawn huma fatturi li kollha għandhom effetti ħżiena fuq is-salarji tan-nisa.

3.1.2.3

l-KESE (3) jirrakkomanda li kull Stat Membru jeżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tal-kuntratti u tal-pagi sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni diretta u indiretta kontra n-nisa.

3.1.2.4

Il-leġiżlazzjoni għandha tinkorpora mekkaniżmi ta’ kontroll li jidentifikaw diskriminazzjoni bejn is-sessi, jippromovi sistemi trasparenti ta’ klassifikazzjoni tal-impjieg sabiex il-kwalifiki, l-esperjenza u l-potenzjal tal-persunal kollu jiġu vvalorizzati u kkumpensati bl-istess mod.

3.1.2.5

In-negozjar kollettiv huwa għodda utli sabiex jiġu inkorporati kriterji li mhumiex sessiti għall-klassifikazzjoni tal-impjiegi, il-leave għal raġunijiet ta’ taħriġ għall-avvanz fil-karriera tan-nisa, waqfiet fil-karriera u leave speċjali għal raġunijiet tal-familja, ħinijiet flessibbli ta’ xogħol, eċċ. li jnaqqsu d-differenzi fis-salarji.

3.1.3   Intraprendituri nisa

3.1.3.1

Minkejja li huma kwalifikati ħafna, in-nisa għadhom f’minoranza f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija fi ħdan il-kumpaniji. Il-Kummissjoni ppromoviet l-ugwaljanza fil-qafas tar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, żiedet l-għajnuna mill-Istat għall-ħolqien ta’ negozji min-nisa (Regolament (KE) Nru 800/2008), u tat l-appoġġ tagħha lin-Netwerk Ewropew għall-promozzjoni tal-Intrapenditorija tan-Nisa. Apparti mill-korpi governattivi u uffiċjali, dan in-netwerk għandu jinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili rilevanti bil-ħsieb li jittieħed benefiċċju mill-iskambju tal-esperjenzi u l-prattiki tajbin.

3.1.3.2

Qed jiġi ssuġġerit li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Intraprenditorija tal-UE biex jiżdied it-twaqqif ta’ kumpaniji min-nisa permezz ta’ miżuri bħalma huma l-aċċess aħjar għal finanzjament u kreditu, l-iżvilupp ta’ netwerks intraprenditorjali li jipprovdu servizzi ta’ organizzazzjoni u konsulenza, taħriġ u taħriġ mill-ġdid vokazzjonali adegwat, il-promozzjoni ta’ prattiki tajba, eċċ.

3.1.4   L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-protezzjonisoċjali u fil-ġlieda kontra l-faqar

3.1.4.1

In-nisa huma speċjalment esposti għall-esklużjoni soċjali u l-faqar. Il-pożizzjoni inugwali tan-nisa fis-suq tax-xogħol u d-dipendenza tagħhom fuq is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali huma fatturi li jikkontribwixxu għal din is-sitwazzjoni.

3.1.4.2

Il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-protezzjoni soċjali għandhom ikunu l-istess għan-nisa u l-irġiel. Ġranet ta’ xogħol iqsar għal raġunijiet familjari, l-użu ta’ leave tal-maternità u/jew tal-ġenituri biex jieħdu ħsieb ta’ uliedhom, ix-xogħol part-time jew temporanju, is-segregazzjoni u d-diskriminazzjoni fil-pagi huma fatturi li jnaqqsu l-ammont u t-tul ta’ żmien tal-benefiċċji soċjali futuri li jirċievu n-nisa, speċjalment il-benefiċċji tal-qgħad u l-pensjonijiet. Sabiex din is-sitwazzjoni titrażżan parzjalment, il-miżuri għandhom jinkludu r-rikonoxximent tal-ħin iddedikat għal xogħol mhux imħallas, ħinijiet iqsar ta’ xogħol, u l-waqfien mix-xogħol minħabba raġunijiet tal-familja bħala perijodi fiskali mħallsa bis-sħiħ.

3.1.4.3

Il-protezzjoni soċjali pubblika għandha tiggarantixxi dħul diċenti minimu li jnaqqas ir-riskju tal-faqar billi jiffoka b’mod partikolari fuq in-nisa kbar fl-età, ir-romol li jirċievu pensjoni tar-raġel tagħhom, u familji b’ġenitur wieħed li hija l-mara.

3.1.4.4

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-iskemi ta’ pensjoni privati li ġew stabbiliti f’xi pajjiżi, peress li l-pagi tal-individwi u l-istennija tal-ħajja jiddeterminaw il-pensjonijiet fil-futur u dan jippenelizza b’mod partikolari lin-nisa.

3.1.4.5

L-2010 hija s-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, u hija wkoll it-tmiem tal-Istrateġija ta’ Lisbona u tal-perijodu ta’ implimentazzjoni għall-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni. L-Istrateġija l-ġdida UE 2020 għandha tistabbilixxi objettivi u miżuri speċifiċi li huma aktar effettivi kemm fuq medda qasira kif ukoll twila ta’ żmien għall-ġlieda kontra l-faqar, b’mod speċjali l-faqar li jaffettwa lin-nisa.

3.1.5   Id-dimensjoni tas-sessi fil-qasam tas-saħħa

3.1.5.1

Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ strateġija ġdida dwar is-saħħa li tqis il-ħtiġijiet differenti tas-saħħa tan-nisa u l-irġiel iżda jinnota li ma ġewx provduti miżuri tanġibbli għal dan il-għan. Għalhekk jeħtieġ li ssir aktar riċerka dwar is-saħħa tan-nisa u l-mard li jaffettwahom.

3.1.5.2

It-tixjiħ tal-popolazzjoni flimkien mal-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol ser iżidu d-domanda għal servizzi ta’ kura fit-tul fil-futur. L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu servizzi tas-saħħa u servizzi soċjali pubbliċi ta’ kwalità għolja: in-nuqqas ta’ tali servizzi għandu effett partikolarment negattiv fuq in-nisa, peress li huma primarjament responsabbli biex jipprovdu l-kura.

3.1.6   Niġġieldu d-diskriminazzjoni multipla, b’mod partikolari kontra l-immigranti nisa u n-nisa li jagħmlu parti minn minoranza etnika

3.1.6.1

Il-KESE jtenni li hemm bżonn li l-perspettiva tas-sessi tiġi integrata fil-politika tal-immigrazzjoni u tal-asil. Għandha tingħata attenzjoni aktar mill-qrib lin-nisa immigranti u lin-nisa li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi, peress li huma jbatu l-aktar mill-inugwaljanzi u jinsabu f’pożizzjoni partikolarment vulnerabbli, speċjalment minħabba l-kriżi ekonomika attwali (4).

3.1.6.2

In-numru li qed jiżdied ta’ migranti nisa huwa direttament marbut mad-domanda għal ħaddiema fis-setturi domestiċi u ta’ ħidma ta’ kura, l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ infrustruttura soċjali. Għadd sinifikanti ta’ migranti nisa huma impjegati f’setturi fejn impjiegi każwali u prekarji huma tipiċi. Hemm bżonn li dawn l-impjiegi jiġu “professjonalizzati” u regolarizzati, u li jiġu promossi l-kwalifiki professjonali sabiex ikun żgurat li l-immigranti nisa jiġu inklużi aħjar fis-suq tax-xogħol.

3.2   Nirrikonċiljaw ix-xogħol mal-ħajja privata u dik tal-familja

3.2.1

Fir-rigward tal-impjieg tan-nisa, il-miri stabbiliti mill-Istrateġija ta’ Lisbona ntlaħqu, minkejja li ma ntlaħqux l-Għanijiet ta’ Barċellona għall-faċilitajiet tal-kura tat-tfal (kopertura ta’ 33 % għal tfal ta’ taħt it-tliet snin u ta’ 90 % għal tfal bejn it-tliet u s-sitt snin). Infrastruttura ta’ servizzi tal-kura hija essenzjali, b’postijiet disponibbli u firxa flessibbli ta’ servizzi li jiggarantixxu approċċ adatt u ta’ kwalità għolja: arranġamenti għal perijodi li jaqgħu barra s-sigħat normali u l-perijodi ta’ vaganza, kantin u ċentri speċjalizzati għal livelli differenti ta’ dipendenza. L-investiment fis-servizzi soċjali m’għandux biss effetti pożittivi fuq l-ekonomija u l-impjieg; huwa wkoll ta’ benefiċċju soċjali kbir.

3.2.2

Il-kura tat-tfal u ta’ persuni dipendenti tirrikjedi sigħat flessibbli ta’ xogħol, u għalhekk jeħtieġ li l-ħin tax-xogħol jiġi organizzat mill-ġdid sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-familja u tax-xogħol tal-individwi u li jkun aċċessibbli bl-istess mod għan-nisa u għall-irġiel.

3.2.3

Ħafna nisa jużaw ix-xogħol part-time bħala mezz kif jirrikonċiljaw il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ faċilitajiet ta’ kura. Madankollu, il-proporzjon dejjem akbar ta’ nisa li jaħdmu part-time jirriżulta mhux biss minħabba obbligi tal-familja iżda f’ħafna każijiet dan huwa wkoll l-uniku mezz kif in-nisa jistgħu jaċċessaw is-suq tax-xogħol (5).

3.2.4

Fir-rigward tal-leave, id-drittijiet individwali tal-irġiel u n-nisa għandhom ikunu ekwivalenti, irrispettivament mit-tip ta’ kuntratt ta’ impjieg li għandhom (pereżempju indipendenti jew kuntratt temporanju jew miftuħ). Għalhekk, il-KESE jilqa’ l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (KETU), Businesseurope, is-CEEP u l-UEAPME biex jiġi estiż il-leave tal-ġenituri (6) iżda jqis li huwa kruċjali li nkomplu naħdmu favur l-ugwaljanza. Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex titjieb il-protezzjoni għall-ħaddiema li huma tqal, dawk li weldu riċentament jew li qed ireddgħu, u jaqbel li għandu jiġi garantit leave tal-maternità mħallas ta’ mill-inqas 18-il ġimgħa (7).

3.2.5

Għandu jittieħed impenn ċar biex jiġi żgurat li l-partijiet interessati kollha jaqsmu r-responsabbiltà għax-xogħol domestiku u l-kura, li normalment isir min-nisa, u b’hekk jiġi żgurat li jsir l-aħjar użu tal-kapital uman kollu. Jeħtieġ li ssir kampanja biex tħeġġeġ lill-familji jaqsmu l-kompiti domestiċi u dawk tal-kura (kawża ta’ inugwaljanza) u jeħtieġ ukoll li ssir valutazzjoni mill-ġdid ta’dan it-tip ta’ xogħol.

3.3   Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet

3.3.1

Jeħtieġ li jittieħed impenn aktar fis-sod sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni (8) fil-qasam ekonomiku, politiku, xjentifiku u teknoloġiku. Is-sitwazzjoni li jiffaċċaw in-nisa ma nbidlet kważi xejn f’dawn l-aħħar snin. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti miri ċari, bi skadenzi għall-ksib tagħhom, flimkien ma’ politiki speċifiċi u miżuri effettivi (bħal azzjoni pożittiva, pjani ta’ ugwaljanza, taħriġ speċifiku, kwoti ta’ parteċipazzjoni, kampanji għat-tqajjim ta’ kuxjenza, eċċ.).

3.3.2

Li jkun żgurat li l-irġiel u n-nisa qegħdin fuq l-istess livell fil-politika għandu jkun ta’ pedament għall-bini tal-Ewropa. Fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju 2009 in-nisa kellhom 35 % tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew. Għaxar Membri tal-Kummissjoni huma nisa, filwaqt li sbatax huma rġiel. In-nisa għandhom 24 % tas-siġġijiet fil-parlamenti nazzjonali u 25 % tal-portafolli fil-gvernijiet nazzjonali (9). Fil-KESE, 23,6 % tal-membri attwali huma nisa, filwaqt li 76,4 % huma rġiel, mentri fil-livell tal-karigi ta’ tmexxija (diretturi, deputati diretturi, deutati segretarji ġenerali), 16,7 % biss huma nisa filwaqt li l-persentaġġ tal-irġiel huwa 83,3 %. Ir-rappreżentazzjoni ugwali bejn l-irġiel u n-nisa għandha tkun ta’ prijorità għolja għall-ksib tal-ugwaljanza fil-livelli kollha.

3.3.3

Ma tantx sar progess fil-qasam tar-riċerka tas-settur pubbliku (39 % tal-impjiegi meħudin min-nisa), u kien hemm titjib żgħir biss fis-setturi ekonomiċi u finanzjarji (m’hemmx diretturi nisa fil-banek ċentrali u 17 % biss tal-membri tal-bord tal-banek ċentrali huma nisa), u ċ-ċifra bilkemm hija ta’ 3 % għall-bord ta’ ġestjoni ta’ kumpaniji kbar.

3.4   L-eliminazzjoni tal-vjolenza skont is-sessi u t-traffikar tal-bnedmin

3.4.1

Il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet għadha problema serja. Dan huwa fenomenu globali u sistematiku, li għandu ħafna forom u xeħtiet differenti. Bħall-Kummissjoni, il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar l-għadd ta’ nisa li jisfaw vittmi ta’ vjolenza, l-iskala tat-traffikar tan-nisa u tal-prostituzzjoni, speċjalment fost l-immigranti, u l-persistenza ta’ atti vjolenti li jitwettqu bl-iskuża tat-tradizzjonijiet u r-reliġjon (10).

3.4.2

Jeħtieġ li jintużaw il-miżuri soċjali, ekonomiċi u legali adatti sabiex jitnaqqsu u jiġu eliminati l-fatturi varji li jkattru l-vjolenza kontra n-nisa, bħalma huma n-nuqqas ta’ riżorsi materjali, id-dipendenza finanzjarja, livelli baxxi ta’ edukazzjoni, sterjotipi persistenti skont is-sessi, u d-diffikultajiet għall-aċċess fis-suq tax-xogħol.

3.4.3

L-immigranti nisa jeħtieġu appoġġ partikolari peress li huma aktar vulnerabbli, jew minħabba s-sitwazzjoni irregolari tagħhom jew minħabba li huma iżolati mir-realtà soċjali ta’ madwarhom. L-ostakli tal-lingwa, id-differenzi soċjali u kulturali, jew sempliċement il-fatt li ma jkunux jafu dwar l-istrutturi ta’ appoġġ disponibbli, dan kollu jwaqqafhom milli jitolbu għall-għajnuna meta dawn ikunu vittmi ta’ vjolenza domestika. Is-sitwazzjoni hija agħar għal dawk l-immigranti nisa li m’għandhomx dokumenti: għandhom jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi sabiex l-ostakli li jiffaċċjaw dawn in-nisa jkunu jistgħu jitneħħew biex b’hekk ikunu garantiti d-drittijiet tagħhom.

3.4.4

Jeħtieġ li jkun hemm programmi speċifiċi għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa (filwaqt li jitkomplew dawk li diġà hemm fi-seħħ, bħall-programm Daphne). Għandu jiżdied il-finanzjament ta’ dawn il-programmi. Għandhom jitfasslu pjani ta’ azzjoni nazzjonali bħala parti minn strateġija kkoordinata fil-livell Ewropew li jinkludu miżuri prattiċi u skadenzi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni adegwata tagħhom. Għandha tkun prijorità tal-Istati Membri li jinforzaw l-oqsfa legali attwali għall-prevenzjoni tal-vjolenza domestika u l-ħarsien tal-vittmi u dawk li jinsabu f’riskju, inklużi t-tfal. Barra minn hekk jinħtieġu indikaturi li jipprovdu stampa ddettaljata tal-aspetti kollha tal-vjolenza fuq il-bażi tas-sessi, inkluż il-fastidju sesswali u t-traffikar tal-bnedmin. Statistika armonizzata fil-livell tal-UE hija essenzjali għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-iżviluppi f’dan il-qasam.

3.4.5

Fid-dawl tan-numru inkwetanti ta’ atti vjolenti fost iż-żgħażagħ, inkluża l-vjolenza relatata mas-sessi, il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni f’waqtha tal-Kummissjoni li tinkludi l-ġlieda kontra l-vjolenza skont is-sessi fil-proġetti li jagħmlu parti mill-programm “Żgħażagħ f’Azzjoni”. Madankollu, jeħtieġ ukoll li tiġi inkorporata kultura ta’ nonvjolenza u rispett għad-drittijiet tal-bnedmin kollha fil-programmi kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għat-tfal u ż-żgħażagħ.

3.5   L-eliminazzjoni tal-isterjotipi sessisti fis-soċjetà

3.5.1

L-isterjotipi sessiti huma fehmiet kulturali u soċjali li jassumu li tradizzjonalmemt hemm rwoli u kompiti “maskili” u “femminili”; Dawn l-isterjotipi għandhom impatt fuq l-għażliet ta’ taħriġ u ta’ impjieg, u dan iwassal għas-segregazzjoni fis-suq tax-xogħol. L-isterjotipi jagħmluha aktar diffiċli biex tinkiseb l-ugwaljanza u l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa u l-irġiel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

3.5.2

Minkejja l-livelli edukattivi għolja li jiksbu n-nisa, dawn xorta għadhom konċentrati fis-setturi ekonomiċi (il-kura tas-saħħa u l-ħidma soċjali, it-tagħlim, is-settur kummerċjali, l-amministrazzjoni pubblika, is-servizzi ta’ negozju, il-lukandi u r-ristoranti, eċċ.) u fi professjonijiet li tradizzjonalment kienu meqjusa bħala “femminili” (assistenti tal-bejgħ, għajnuna domestika, fornituri tas-servizzi ta’ kura, bħala persunal amministrattiv, eċċ.) fl-iktar skaluni baxxi tal-iskala tal-karriera, bi ftit potenzjal li jsir ċaqliq ’il fuq lejn pożizzjonijiet aħjar. Din is-segregazzjoni baqgħet kważi tali kwali tul dawn l-aħħar snin, peress li ż-żieda fin-numru ta’ nisa li għandhom impjieg seħħet f’setturi li diġà huma ddominati min-nisa.

3.5.3

Sabiex niġġieldu l-isterjotipi tas-sessi, jeħtieġ li:

It-tfal u ż-żgħażagħ jiġu edukati billi jintużaw xempji mhux sessisti, speċjalment billi jiġu mmoniterjati l-kotba u l-materjali edukattivi u l-għalliema li jippromovu dawn l-isterjotipi. Il-KESE jilqa’ l-inklużjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala prijorità speċifika fil-programmi edukattivi u ta’ taħriġ tal-UE.

Tiġi promossa l-preżenza tan-nisa fl-edukazzjoni xjentifika u teknoloġika, fejn mhumiex rappreżentati biżżejjed, biex b’hekk ikun żgurat li dawn jistgħu jaċċessaw impjiegi aħjar, u jitjieb il-bilanċ bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha tal-għarfien.

Jiġu mħeġġa l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-kreattività tan-nisa fis-setturi kollha, dawk li jaħdmu għal rashom, l-impjegati u l-qiegħda bħala strument importanti sabiex jiġu enfasizzati l-kwalitajiet b’saħħtihom li jġibu n-nisa fis-soċjetà.

Jiġi żgurat li n-nisa jkunu jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jgawdu minn kondizzjonijiet ugwali, b’mod speċjali meta dawn huma ommijiet u għandhom persuni minorenni jiddependu minnhom.

Jiġi apprezzat ix-xogħol imwettaq min-nisa, speċjalment fil-qasam tal-kura, u jiġi promoss it-taħriġ kontinwu.

Jitneħħew l-isterjotipi tas-sessi mill-mezzi tax-xandir u l-industrija tar-reklamar, b’attenzjoni partikolari għat-turija tal-vjolenza u ta’ stampi degradanti ta’ nisa.

Jiżdied in-numru ta’ nisa fil-pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet fix-xandir sabiex jiġu promossi t-trattament nondiskriminatorju u viżjoni reali tan-nisa u l-irġiel fis-soċjetà.

3.6   Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel barra l-UE

3.6.1

Il-Kummissjoni għandha tkompli tippromovi d-drittijiet tan-nisa fil-livell internazzjonali permezz tal-politika barranija u ta’ żvilupp tagħha. Id-dimensjoni tas-sessi għandha tiġi inkluża fl-aspetti kollha ta’ kooperazzjoni, b’miżuri speċifiċi għan-nisa; għandu jiġi promoss l-involviment tagħhom fil-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjoni u s-sens ta’ inizjattiva tagħhom, u għandha tiżdied il-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jieħdu f’idejhom il-promozzjoni tal-ugwaljanza.

3.6.2

Id-dimensjoni tas-sessi għandha tagħmel parti mill-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża (PESD), sabiex tittieħed azzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Fil-qasam tal-għajnuna umanitarja (ECHO), il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lin-nisa bi tfal jew qraba dipendenti meta jseħħu diżastri naturali u lin-nisa li sfaw vittmi ta’ vjolenza taħt l-irġiel fi żminijiet ta’ taqlib.

4.   Part II: Intejbu l-governanza biex tinkludi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

4.1

L-analiżi tas-sessi għandha tiġi inkluża fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tal-Kummissjoni, inkluż il-baġit, u għandu jiġi evalwat il-progress dwar l-ugwaljanza fit-territorju tagħha stess. Dan jirrekjedi li l-persunal jiġi mħarreġ fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, kif ukoll indikaturi globali u ċari li jagħtu stampa ċara tas-sitwazzjoni tan-nisa.

4.2

Il-Kummissjoni għandha torganizza diskussjonijiet miftuħa u kontinwi mal-organizzazzjonijiet tan-nisa, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili, sabiex tikseb fehim aħjar tal-problemi relatati mal-inugwaljanza.

4.3

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-unitajiet kollha tagħha sabiex jużaw diskors mhux sessist fid-dokumenti kollha, f’testi uffiċjali, fl-interpretazzjoni fil-lingwi kollha u fil-paġni tal-internet tagħha.

5.   Parti III: Strateġiji ta’ segwitu mill-2010 ’il quddiem

Fuq talba tal-Kummissjoni, il-KESE qed ifassal sensiela ta’ proposti rigward il-pjan direzzjonali ġdid għall-ugwaljanza li għandu jiġi implimentat fl-2010.

5.1

Għandu jintuża approċċ globali sabiex tiġi ttrattata l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. L-għan tal-politiki tal-UE m’għandux ikun biss pereżempju li jsaħħu l-involviment tan-nisa fl-oqsma kollha, jindirizzaw l-isfidi demografiċi u jtejbu l-benessri tat-tfal,. Anzi, il-miżuri Ewropej għandhom jiffukaw espliċitament fuq li jonqos in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-tqassim tar-responsabbiltajiet tal-familja, tal-kura u dawk domestiċi speċifikament bejn l-irġiel u n-nisa, u b’mod ġenerali bejn il-partijiet interessati kollha.

5.2

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ugwaljanza bejn is-sessi tiġi inkluża fis-setturi kollha bħala prijorità, fl-oqsma, l-unitajiet, il-miżuri, il-politiki, u d-direttorati kollha tagħha. Il-kwistjoni tas-sessi mhijex kwistjoni ta’ tħassib biss għad-Direttorat Ġenerali għall-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs.

5.3

Huma meħtieġa speċjalisti dwar il-kwistjonijiet relatati mas-sessi li jkunu jistgħu jipprovdu taħriġ u materjal meħtieġa għas-sensibilizzazzjoni u biex jiżdiedu l-għarfien u l-ħiliet tal-persunal Ewropew fil-qasam tal-ugwaljanza. Il-Eurostat għandu jkompli jikkategorizza l-istatistika skont is-sessi, itejjeb il-metodoloġiji eżistenti u jinkorpora indikaturi ġodda li jipprovdu informazzjoni aħjar dwar is-sitwazzjoni li jiffaċċaw in-nisa u għalhekk jagħti stampa ġenerali komprensiva tas-sitwazzjoni fl-UE.

5.4

Il-perspettiva tas-sessi għandha tiġi rikonoxxuta fil-baġits Ewropej u nazzjonali. Jeħtieġ ukoll studji biex jiġi evalwat l-impatt tal-miżuri pubbliċi relatati mas-sessi.

5.5

Il-Fondi Strutturali joffru qafas ideali għall-Istati Membri biex jinkludu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi operattivi tagħhom u fil-fażijiet differenti tal-implimentazzjoni tal-fondi, bl-evalwazzjoni tal-impatt tas-sessi f’kull qasam ta’ politika jew sfera ta’ attività ta’ prijorità ta’ dawn il-programmi. Jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni u kollaborazzjoni aħjar bejn il-Fondi Strutturali u l-korpi responsabbli għall-ugwaljanza f’kull pajjiż sabiex jinkisbu riżultati aħjar.

5.6

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni, jiġu pprovduti eżempji ta’ prattika tajba, u jiġu sanzjonati l-Istati Membri li ma jirrispettawx il-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. L-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi eżaminata u evalwata fil-politiki kollha u fid-dipartimenti kollha. Jeħtieġ li jkun hemm metodu ta’ evalwazzjoni li jippermetti li jiġu notati u ggradati l-livell ta’ konformità mal-objettivi stabbiliti, il-kisbiet li jsiru u t-telfiet li jinġarrbu. Għandha titwaqqaf unità ta’ evalwazzjoni li tissorvelja u tevalwa l-azzjonijiet tal-Istati Membri differenti b’mod sistematiku billi jintużaw l-indikaturi stabbiliti fil-pjan direzzjonali għall-ugwaljanza.

5.7

Jekk isiru emendi għall-pjan direzzjonali tal-ġejjieni, il-Kumitat jirrakkomanda li l-ewwel qasam jiġi adattat. Jeħtieġ li dan il-qasam jiġi maqsum f’diversi oqsma peress li jkopri varjetà ta’ kwsitjonijiet differenti (impjieg, saħħa, immigrazzjoni), u għalhekk hemm bżonn ta’ metodi differenti biex dawn jiġu ttrattati. Ikun ta’ għajnuna wkoll li jiġi żviluppat qasam ġdid dwar “in-nisa u l-ambjent”, peress li n-nisa għandhom rwol fundamentali fl-iżvilupp sostenibbli, minħabba l-interess partikolari tagħhom fil-kwalità u fl-iżgurar ta’ ħajja sostenibbli għall-ġenerezzjonijiet attwali u futuri (11).

5.8

Il-KESE jixtieq jenfasizza r-rwol importanti li ngħata mill-imsieħba soċjali lill-promozzjoni tal-ugwaljanza permezz tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Eżempju tajjeb ta’ dan huwa l-istrateġija qafas tal-2005 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi.

5.9

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għandu jkollu rwol ewlieni fit-titjib tal-governanza u fir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali dwar is-sensibilizzazzjoni u l-ugwaljanza. L-istitut għandu jimmoniterja u jiggarantixxi li l-politiki kollha jinkludu u jippromovu l-ugwaljanza, u jħaddnu l-involviment tal-Ewropej f’politika tas-sessi aktar responsabbli u aktar inklużiva.

5.10

Il-problemi ekonomiċi u finanzjarji u l-bidliet demografiċi tal-Ewropa m’għandhomx jaffettwaw l-objettiv tal-ugwaljanza u m’għandhomx jintużaw bħala skuża biex din tingħata t-tieni post.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Sors: Eurostat (LFS), impjieg minn Frar 2009, u qgħad minn Settembru 2009.

(2)  Ir-rata ta’ inattività għal raġunijiet ta’ kura familjari (tfal jew dipendenti) fost in-nisa bejn l-età ta’ 25 u 54 hija ta’ 25,1 %, meta mqabbla ma’ 2,4 % għall-irġiel. 19,2 % tan-nisa, meta mqabbla ma’ 2.9 % tal-irġiel, huma inattivi minħabba responsabbiltajiet familjari oħra (Sors: LFC, Eurostat, 2008).

(3)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 54 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Ara l-opinjonijiet fil-ĠU C 182, 4.8.2009, p. 19, u l-ĠU C 27, 3.2.2009, p.95.

(5)  Fl-UE, fl-2008, 31,5 % tan-nisa li kellhom impjieg kienu qed jaħdmu part-time, meta mqabbel ma’ 8,3 % tal-irġiel. 27,54 % tan-nisa stqarru li jaħdmu part-time peress li kienu jieħdu ħsieb ta’ tfal żgħar jew dipendenti anzjani, u 29,2 % għaliex ma setgħux isibu xogħol full-time (meta mqabbel ma’ 3,3 % u 22,7 % tal-irġiel rispettivament). Sors: EFT, Eurostat.

(6)  Il-leave tal-ġenituri ġie estiż minn 3 għal 4 xhur, b’xahar li mhuwiex trasferibbli għall-missier, u dan japplika għall-ħaddiema kollha minkejja t-tip ta’ kuntratt li jkollhom.

(7)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 102.

(8)  Għaxar snin ilu, waqt il-Konferenza Ewropea dwar in-Nisa u l-Irġiel f’Pożizzjonijiet ta’ Poter li saret f’Pariġi fl-1999, l-Unjoni Ewropea ffirmat ftehim sabiex tersaq lejn Ewropa aktar rappreżentattiva fejn l-b’irġiel u n-nisa li jkollhom rwol aktar ugwali fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

(9)  Ċifri minn Ottubru 2009.

(10)  GU C 110, 9.5.2006, p. 89 (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  Kif ġie dikjarat fir-Raba’ Pjattaforma għall-Azzjoni f’Beijing tal-1995.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Persuni b’diżabilità: l-impjieg u l-aċċessibbiltà fi stadji għal persuni b’diżabilità fl-UE. L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010” (opinjoni esploratorja)

2010/C 354/02

Relatur: IS-SUR CABRA DE LUNA

F’ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, is-Sur Diego López Garridfo, is-Segretarju tal-Istat għall-Unjoni Ewropea tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni, f’isem il-Presidenza Spanjola futura talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifassal opinjoni esploratorja dwar

Persuni b’diżabilità: l-impjieg u l-aċċessibbiltà fi stadji għal persuni b’diżabilità fl-UE. L-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Frar 2010.

Matul il-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Marzu (seduta tas-17 ta’ Marzu 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’152 vot favur, 0 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Strateġija UE 2020

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappella biex meta jiġu adottati l-Istrateġija UE 2020, il-Linji Gwida għall-Impjieg u l-Aġenda Soċjali, tiġi inkluża taqsima speċifika dwar id-diżabilità, biex ikun żgurat li dan l-aspett jiġi integrat u kkoordinat aħjar fil-politiki kollha tal-Komunità.

1.2

Il-KESE jfakkar li l-inklużjoni ta’ kriterji għat-tisħiħ tal-politiki dwar id-diżabilità fl-Istrateġija UE 2020 futura tkun tfisser spinta ekonomika ’l quddiem għas-soċjetà kollha kemm hi, kif ukoll progress fl-inklużjoni soċjali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

1.3

Il-KESE jemmen li hemm bżonn jiġi adottat “Patt Ewropew għad-Diżabilità” li jqiegħed is-sisien għal politika Ewropea ġdida dwar id-diżabilità, li jkun taqbel mal-Istrateġija futura tal-Kummissjoni għal persuni b’diżabilitajiet skont it-Trattat ta’ Lisbona u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) u l-protokoll tagħha. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jikkonkludu l-Konvenzjoni mill-aktar fis possibbli.

1.4

Il-KESE jappella għal politiki li jrawwmu l-innovazzjoni, li huma bbażati fuq data statistika u li jagħtu viżibilità lill-persuni b’diżabilità fl-istatistiċi Ewropej u nazzjonali rilevanti kollha.

L-impjieg u l-persuni b’diżabilità

1.5

Il-KESE jappoġġja suq li huwa inklużiv għal kulħadd u jinnota li l-politiki dwar l-impjieg għal persuni b’diżabilità għandhom jiffukaw fuq il-proċess kollu tal-ħajja li hu marbut max-xogħol (“lifestreaming”), u b’mod partikolari fuq l-edukazzjoni, ir-reklutaġġ, iż-żamma tal-impjieg u l-integrazzjoni mill-ġdid fil-ħajja professjonali. Il-politiki mmirati għaż-żgħażagħ b’diżabilità, flimkien ma’ politiki għal dawk li għandhom diżabilità minħabba inċident jew mard, għandhom ikunu prijorità għall-Istrateġija UE 2020 futura u għall-Istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni għal persuni b’diżabilità.

1.6

Il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport fi żmien sena mill-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78/KE dwar id-diżabilità u l-impjieg.

1.7

Il-KESE jfakkar li r-reklutaġġ f’ambjent ta’ xogħol ordinarju jeħtieġ l-użu ta’ servizzi soċjali adegwati kif ukoll ta’ inċentivi u motivazzjoni, filwaqt li jagħraf ir-rwol tal-kumpaniji li jimpjegaw maġġoranza ta’ persuni b’diżabilità u, b’mod aktar ġenerali, ta’ kumpaniji tal-ekonomija soċjali u l-SMEs, li wkoll jeħtieġu l-appoġġ ta’ servizzi soċjali u inċentivi xierqa, biex b’hekk tiġi enfasizzata l-importanza tal-imsieħba soċjali f’dan il-qasam.

1.8

Il-KESE jappella għal politika li tqajjem kuxjenza għall-ġlieda kontra l-isterjotipi persistenti fir-rigward tal-ħaddiema b’diżabilità, u jenfasizza r-rwol tal-mezzi tax-xandir biex jiżguraw li d-diversità tiġi aċċettata.

Aċċessibbiltà

1.9

Il-KESE jsostni li l-aċċessibbiltà tagħmel il-ġid lis-soċjetà kollha kemm hi, mhux biss għall-persuni b’diżabilità, u ġġib magħha aktar konsumaturi għan-negozji.

1.10

Dwar l-aċċessibbiltà, il-KESE jirrakkomanda l-implimentazzjoni progressiva permezz ta’ għanijiet komuni għal tul ta’ żmien qasir, medju u twil (inklużi skadenzi ċari u finali għal prodotti, servizzi u infrastrutturi ġodda kif ukoll għal dawk li jeżistu diġà).

1.11

Il-Kumitat jappoġġja t-twaqqif ta’ Kapitali Ewropea għall-Aċċessibbiltà Universali.

1.12

Il-Kumitat iwissi li hemm bżonn urġenti li titressaq leġislazzjoni dwar l-eAccessibility, itenni l-impenn tiegħu għall-prinċipju ta’ “disinn għal kulħadd” u l-iżvilupp ta’ standards ta’ aċċessibbiltà, jappella għal pjan ta’ azzjoni intensiv dwar din il-kwistjoni sa qabel l-2011, u jappoġġja l-iżvilupp ta’ “Karta Ewropea għad-Diżabilità” li għandha tiffaċilita l-għarfien reċiproku tad-drittijiet u l-ivvjaġġar bejn pajjiż u ieħor għal persuni b’diżabilità.

Is-sessi u d-diżabilità

1.13

Hemm bżonn li s-sessi jiġu integrati fit-tfassil, l-implimentazzjoni, is-segwitu u l-evalwazzjoni tal-politiki dwar id-diżabilità, sabiex titwaqqaf is-sitwazzjoni ta’ inviżibilità u diskriminazzjoni multipla li tolqot lin-nisa u t-tfajliet b’diżabilità.

Id-djalogu soċjali u d-diżabilità

1.14

Il-KESE jagħraf l-importanza tal-imsieħba soċjali biex jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jaħdmu bl-istess kundizzjonijiet ta’ oħrajn, b’kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli.

1.15

L-imsieħba soċjali għandhom jadottaw id-dimensjoni tad-diżabilità fl-azzjonijiet u n-negozjati kollha intersettorjali, settorjali u fil-livell tal-kumpanija, speċjalment fir-rigward tal-impjieg, l-aċċessibbiltà u kwistjonijiet ta’ protezzjoni soċjali.

Il-parteċipazzjoni u d-djalogu ċivili

1.16

Il-KESE jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-prinċipju ta’ “Xejn għall-persuni b’diżabilità mingħajr persuni b’diżabilità” u li dan il-prinċipju għandu jiġi applikat fi ħdan l-istrateġija UE 2020 u l-programmi għal persuni b’diżabilità li jirċievu fondi pubbliċi.

1.17

L-UE u l-Istati Membri għandhom jippromovu l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili u jiggarantixxu l-iffinanzjar tagħha, biex tiġi żgurata l-indipendenza u l-kapaċità tagħha li tieħu sehem fit-tfassil tal-politiki u/jew fit-twassil tas-servizzi soċjali.

2.   Daħla

2.1

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir it-talba mill-Presidenza Spanjola li jfassal opinjoni dwar il-Persuni b’diżabilità: l-impjieg u l-aċċessibbiltà fi stadji għal persuni b’diżabilità. L-istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010.

2.2

Il-KESE ġabar bir ta’ għarfien permanenti u trasversali dwar dan is-suġġett, bl-ewwel opinjoni tiegħu li kienet speċifikament L-Integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-soċjetà adottata f’Lulju 2002 (1), li għenet fl-appoġġ tat-trattament ugwali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni għal persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom (2).

2.3

Il-persuni b’diżabilità jirrappreżentaw aktar minn 16 % tal-popolazzjoni (mill-inqas 80 miljun) (3) u dan il-persentaġġ qiegħed jogħla minħabba l-popolazzjoni li qed tixjieħ.

2.4

Il-KESE jagħraf li l-progress li sar kemm fil-leġislazzjoni (4) kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-politiki Ewropej (5) li, flimkien mad-Dikjarazzjoni ta’ Madrid fl-2002 (6), għenu biex l-UE tkun aktar inklużiva tal-persuni b’diżabilità. Minkejja dan, hemm lok għal aktar titjib, peress li l-progress li sar kien ta’ natura settorjali, huwa frammentat u bata minn nuqqas ta’ strateġija magħquda u strutturata għall-Komunità: kif ikkonfermat fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew 2003-2010 (7), is-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea nnifisha li għandhom x’jaqsmu mal-politiki Ewropej għall-persuni b’diżabilità wkoll għandhom bżonn jissaħħu.

2.5

Il-KESE jinnota r-riżultati riċenti tal-Eurobarometer tal-2009 (8) li wrew żieda qawwija tas-sens ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ diżabilità (8 % fl-aħħar sena, i.e. 53 % fl-2009 meta mqabbel mal-45 % fl-2008), b’aktar minn 33 % tal-persuni b’diżabilità li ħassew diskriminazzjoni kontrihom fl-2009.

2.6

Il-KESE jagħraf li l-progress li sar fil-politiki dwar id-diżabiltà huwa dovut għall-kampanji u għall-pressjonijiet li saru mill-moviment Ewropew għad-diżabilità u l-korpi rappreżentattivi tiegħu, miġburin fil-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità (FED), kif ukoll għall-appoġġ tal-imsieħba soċjali.

2.7

Il-KESE jixtieq ifakkar lit-trio Presidenzjali tal-Kunsill fl-importanza li titqies din l-opinjoni meta jkunu qed iwettqu l-presidenzi tagħhom.

3.   Politika Komunitarja ġdida dwar id-diżabilità fl-Istrateġija UE 2020 futura

3.1   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li “l-politiki l-ġodda jridu b’mod dimostrabbli jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali, b’mod li jiġi indirizzat il-qgħad u titħeġġeġ l-inklużjoni soċjali … [d]an jitlob li naħsbuha mill-ġdid dwar is-sistemi edukattivi u tas-swieq tax-xogħol, li ntejbu l-mobbiltà u li nagħtu spinta lid-dinamiżmu tal-Ewropa sabiex nippermettu li l-potenzjal innovattiv u kreattiv tagħna jaħdem”  (9).

3.2   Il-KESE jemmen li fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020, hemm il-ħtieġa li jiġi adottat Patt Ewropew għad-Diżabilità, kif sar diġà għas-sessi u għaż-żgħażagħ.

3.3   Il-Patt irid ikun ftehim komuni, approvat mill-Kunsill tal-Ministri, bejn il-gvernijiet tal-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, bl-involviment tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u, fejn xieraq, tal-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata. Il-Patt irid jitmexxa minn Kumitat Ewropew għad-Diżabilità, presedut minn rappreżentant tal-Istati Membri u b’segretarjat eżekuttiv ipprovdut mill-Kummissjoni. Il-Patt għandu jkopri l-ħtieġa għal għanijiet komuni għall-Istati Membri, indikaturi tal-prestazzjoni u rapport obbligatorju lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa (10). B’dan il-mod, ser tiġi applikata varjazzjoni tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għad-diżabilità.

3.4   Il-Patt għandu jkopri l-aċċess ugwali fl-edukazzjoni, it-trattament ugwali fix-xogħol u fl-aċċess għall-impjieg, leġislazzjoni dwar dħul minimu u protezzjoni soċjali, il-libertà tal-moviment, l-għajxien indipendenti u l-awtonomija personali, l-aċċess ugwali għal oġġetti u servizzi għal persuni b’diżabilità, ftehim dwar programm ta’ aċċessibbiltà għal teknoloġiji ġodda, it-trasport u l-ambjent urban, is-saħħa u l-kura għall-forom kollha ta’ dipendenza, u politiki dwar it-taxxa li jippromovu l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità u li jkopru spejjeż żejda li jiltaqgħu magħhom fil-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum (11).

3.5   Il-Patt għandu jieħu approċċ trasversali għall-bżonnijiet tan-nisa u t-tfajliet b’diżabilità, iż-żgħażagħ b’diżabilità, ix-xjuħija u d-diżabilità, il-persuni li jeħtieġu livell għoli ta’ appoġġ biex iżommu l-indipendenza personali tagħhom u l-persuni b’diżabilità li jgħixu fil-kampanja. L-istess ħaġa tapplika għall-promozzjoni tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni marbuta ma’ persuni b’diżabilità.

3.6   Il-Patt għandu jippreżenta ftehim li għandu jiġi implimentat fil-qafas tat-Trattat ta’ Lisbona, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u tal-UNCRPD, u jkun jistrieħ fuq tliet pilastri:

3.6.1   (i) Mument storiku fir-reviżjoni tal-politika Komunitarja – il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom jitpoġġew fiċ-ċentru tal-politiki Komunitarji

3.6.1.1

Il-KESE jappella biex il-koordinazzjoni u l-effett limitat tal-Istrateġija ta’ Lisbona attwali u tal-Aġenda Soċjali Mġedda (12) jitjiebu fl-adozzjoni tal-Istrateġija UE 2020 u tal-Aġenda Soċjali, li għaldaqstant għandhom jinkludu taqsima speċifika dwar il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, u għandhom ikopru, fost oħrajn, l-impjieg, l-edukazzjoni, l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali u l-aċċessibbiltà, u jiżguraw li d-diżabilità tiġi riflessa fit-tliet linji ewlenin tal-istrateġija (13).

3.6.1.2

Il-KESE jfakkar li l-inklużjoni ta’ politiki dwar id-diżabilità fost il-kompetenzi tal-UE fl-Istrateġija UE 2020, tkun tfisser spinta ekonomika ’l quddiem għas-soċjetà kollha kemm hi, kif ukoll progress fl-inklużjoni soċjali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, kif muri biċ-ċar fi studji riċenti li jqabblu l-ispejjeż mal-benefiċċji (14).

3.6.1.3

Il-Patt Ewropew dwar id-Diżabilità għandu jkun jaqbel mal-Istrateġija futura tal-Kummissjoni għall-persuni b’diżabilità (15), li għandha tieħu post il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Persuni b’Diżabilità attwali 2003–2010.

3.6.1.4

L-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) fl-inklużjoni soċjali, il-protezzjoni soċjali, il-pensjonijiet, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u oqsma oħra għandhom ikomplu jinkludu u jagħmlu titjib fil-linji gwida u l-għanijiet komuni tal-Istati Membri biex id-diżabilità tiġi riflessa fil-pjani nazzjonali tagħhom, iżidu l-kapaċità tagħhom għall-analiżi u jippreżentaw ir-riżultati f’rapporti regolari.

3.6.1.5

Il-politiki Ewropej għandhom jappoġġjaw il-qerda ta’ kull ksur estrem tad-drittijiet fundamentali, speċjalment fir-rigward tat-tqegħid tal-persuni b’diżabilità f’istituzzjonijiet magħluqin kbar, l-edukazzjoni segregata, iċ-ċaħda tal-kapaċità legali u l-vjolenza lejn persuni b’diżabilità, billi jitqies l-iżvantaġġ ikbar li jbatu n-nisa u t-tfajliet b’diżabilità, flimkien ma’ persuni li jeħtieġu livell għoli ta’ appoġġ (16).

3.6.1.6

Hemm bżonn ta’ politiki li jrawmu l-innovazzjoni u li huma bbażati fuq evidenza statistika. Il-Patt għandu jimmira biex il-persuni b’diżabilità jkunu aktar viżibbli fl-għodod statistiċi rilevanti kollha (17). Huwa għandu jkollu sorsi, indikaturi u għodod armonizzati, aġġornati u affidabbli. Dan jista’ jsir billi pereżempju tinħoloq taqsima permanenti dwar id-diżabilità fl-Istħarriġ Ewropew dwar il-Forza tax-Xogħol, flimkien ma’ taqsima dwar is-sehem soċjali tal-persuni b’diżabilità, u billi jiġu inklużi kwistjonijiet dwar id-diżabilità fit-taqsimiet ġenerali rilevanti.

3.6.1.7

Il-KESE jappella biex jiġu adottati Linji Gwida għall-UE: id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Liġi Internazzjonali Umanitarja mill-Kunsill tan-NU, li jinkludu gwida dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, ibbażati fuq l-UNCRPD.

3.6.2   (ii) Id-diżabilità għandha tingħata qafas legali Ewropew adegwat

3.6.2.1

Il-KESE jqis li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jistabbilixxi bażi legali ġdida. Huwa jfakkar ukoll il-valur tal-Artikoli 10, 11 u 19, flimkien mal-Artikoli 21 u 26 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li għandhom l-istatus ta’ trattat.

3.6.2.2

Il-UNCRPD toħloq obbligi ġodda għall-UE. Għalhekk il-KESE jħeġġeġ:

3.6.2.2.1

lill-UE tiffinalizza s-sħubija tagħha fil-UNCRPD u l-protokoll tagħha, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (18). Huwa jfakkar fl-istatut legali tal-Konvenzjoni bħala trattat internazzjonali, u jappella lill-Istati Membri jieħdu impenn biex jibdew jirratifikaw il-UNCRPD malajr kemm jista’ jkun;

3.6.2.2.2

biex il-leġislazzjoni Komunitarja kollha li taffettwa s-suq intern, it-trasport, it-tassazzjoni, il-kompetizzjoni, is-saħħa, il-konsum, il-mezzi diġitali u elettroniċi, l-impjiegi, l-edukazzjoni u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni jiġu analizzati abbażi tal-UNCRPD;

3.6.2.2.3

li jinħoloq mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni (19) fi ħdan il-Kummissjoni u bis-sehem tal-Kummissarji rilevanti, flimkien ta’ korp indipendenti, kif mitlub mill-UNCRPD (20).

3.6.2.3

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-preżentazzjoni ta’ din il-proposta għal Direttiva għan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni lil hinn mill-impjieg (21) iżda jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li mhijiex konformi biżżejjed mal-UNCRPD. Id-direttiva, li għadha qed tiġi diskussa fil-Kunsill, teħtieġ tiżgura li l-kunċett ta’ diskriminazzjoni jagħti trattament preferenzjali lill-persuni b’diżabilità f’ċirkostanzi speċifiċi; l-ambitu tagħha f’termini ta’ protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-edukazzjoni, u bl-indikazzjoni li l-edukazzjoni segregata hija diskriminatorja; l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità għandha tapplika għal kulħadd; aġġustamenti raġonevoli għandhom japplikaw fl-isferi kollha u għandhom jingħataw inċentivi pubbliċi għall-implimentazzjoni tagħhom; l-aċċessibbiltà għandha titwessa’ għall-oġġetti u s-servizzi kollha offruti lill-pubbliku u, fl-aħħar; f’dak li għandu x’jaqsam ma’ implimentazzjoni, l-impenji tal-UE f’dan il-qasam għandhom ikunu aktar konkreti, japplikaw b’effett immedjat għal bini ġdid u b’kompromessi realistiċi dwar il-bini eżistenti.

3.6.3   (iii) Fondi adegwati għall-Patt Ewropew għad-Diżabilità

3.6.3.1

Il-Kumitat ifakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali fir-rigward tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità bħala kriterji għall-għażla u l-implimentazzjoni ta’ proġetti li huma kofinanzjati mill-UE (22) għandhom jinżammu u jissaħħu fil-Politika ta’ Koeżjoni futura, li għandha tiżgura wkoll azzjonijiet għall-persuni b’diżabilità inġenerali fl-Istati Membri kollha, b’faċilitajiet finanzjarji adegwati. Dawn il-prinċipji għandhom jitwessgħu għall-baġit Ewropew u programmi Ewropej oħra dwar ir-riċerka, il-kompetittività, it-taħriġ, l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp, u fost oħrajn, jiġu inklużi wkoll fil-programmi ġodda mill-2014 ’il quddiem.

3.6.3.2

Il-KESE jagħraf li l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-ġestjoni diretta tal-Fond Soċjali Ewropew (fit-taħriġ u l-impjiegi) u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali kiseb riżultati inkoraġġanti u jappella biex dan il-mudell jiddaħħal fil-programmi operattivi tal-Fondi Strutturali mill-2013 ’il quddiem.

3.6.3.3

Il-KESE jqis li l-fatt li jitkompla jingħata appoġġ finanzjarju, permezz tal-programm PROGRESS għall-appoġġ tal-organizzazzjonijiet Ewropej għal persuni b’diżabilità, inkluż il-Forum Ewropew għad-Diżabilità, kif ukoll korpi li jaħdmu għall-integrazzjoni soċjali, isaħħaħ id-demokrazija fl-UE u s-soċjetà ċivili strutturata.

4.   L-UE u l-impjiegi għal persuni b’diżabilità

4.1

L-impjieg tal-persuni b’diżabililtà għandu jkun parti integrali mill-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi. Is-sitwazzjoni tal-impjiegi għall-ħaddiema fl-Ewropa hija kkumplikata, iżda dik tal-ħaddiema b’diżabilità hija aktar diffiċli, għalhekk irid jissaħħaħ is-suq tax-xogħol li jkun inklużiv għal kulħadd.

4.2

Il-KESE esprima t-tħassib tiegħu dwar l-istat tal-qgħad fost il-persuni b’diżabilità sa minn qabel il-kriżi; 78 % tal-persuni b’diżabilità serja ma kellhomx aċċess għas-suq tax-xogħol, b’rata ta’ inattività li kienet id-doppju ta’ dik tal-bqija tal-popolazzjoni, u b’rata ta’ qgħad li kienet imwaħħla fil-livell ta’ 20 % inqas mill-medja għall-persuni b’diżabilità (23).

4.3

Il-kriżi (li diġà kienet żiedet il-qgħad b’medja ta’ 10 % (24)) qed tagħmel is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità aktar diffiċli f’żewġ modi: l-ewwel nett id-dħul fis-suq tax-xogħol ser ikun aktar diffiċli (25) u t-tieni nett, il-gvernijiet ser ikollhom it-tendenza jaġġustaw l-iżbilanċi fil-finanzi pubbliċi tagħhom billi jnaqqsu kull tip ta’ għajnuniet jew pensjonijiet. Il-KESE jwissi li l-persuni b’diżabilità m’għandhomx ikunu l-vittmi ewlenin tal-kriżi u jopponi kull qtugħ ta’ għajnuna għalihom (26).

4.4

Hemm il-periklu li l-kriżi żżid ir-riskju tal-faqar fost il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-kriżi tista’ tipprovdi opportunità għal attivitajiet ta’ negozju aktar inklużivi, b’inċentivi, u żżid il-produttività tan-negozji, biex b’hekk titjieb l-ekonomija b’mod ġenerali.

4.5

Il-Kumitat isostni li t-tħeġġiġ tal-impjieg tal-persuni b’diżabilità għandu jkun wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, u jappella biex il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jinkludu għan li jinkorpora l-Konklużjoni 34 tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2006 (27), “Wieħed mill-għanijiet ewlenin huwa li tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, speċjalment … tal-persuni b’diżabilità … Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, għandha ssir ħidma b’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali”. Għandha titħejja lista ta’ miżuri li l-Istati Membri għandhom japplikaw permezz tal-Pjani Nazzjonali tagħhom.

4.6

L-imsieħba soċjali għandhom rwol kruċjali biex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol permezz ta’ negozjar kollettiv u għall-inserzjoni tagħhom fil-kumpanija. Huma jistgħu jgħinu wkoll fl-implimentazzjoni ta’ politiki dwar id-diversità u jinnegozjaw pjani ta’ diversità bi qbil ma’ min iħaddem, li għandhom jiġu offruti inċentivi biex jimxu lejn din id-direzzjoni: il-politiki dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva jistgħu jintużaw għal dan il-għan. Għaldaqstant il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-konklużjoni b’suċċess tan-negozjati mill-imsieħba soċjali Ewropej għal ftehim awtonomu dwar swieq tax-xogħol inklużivi f’Diċembru 2009.

4.7

Il-KESE jappella biex fi żmien sena jitressaq rapport dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 dwar id-diżabilità u l-impjieg (28).

4.8

Il-KESE jtenni li l-persuni b’diżabilità huma kkwalifikati daqs kull persuna oħra biex ikollhom ħajja tax-xogħol kompluta, u li l-ħiliet tagħhom m’għandhomx jiġu sottovalutati, iżda msaħħa. Il-persuni b’diżabilità għandhom dritt jaħdmu daqs ħaddieħor.

4.9

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, skont riċerka li saret mill-Eurofound, qed jikber l-għadd ta’ problemi ta’ saħħa mentali, u li din il-forma ta’ diżabilità qed issir il-kawża ewlenija tat-tluq bikri mis-suq tax-xogħol, u tgħodd għal madwar 40 % (29) tal-irtirar kmieni f’ċerti pajjiżi. Hemm bżonn ta’ bidla fil-mod kif il-pubbliku ġenerali u l-awtoritajiet jaħsbu dwar is-sitwazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema.

4.10

Il-KESE jfakkar li biex dawn il-ħiliet jiġu rikonoxxuti, hemm bżonn ta’ arranġamenti biex l-għarfien miksub jiġi ċċertifikat jew bl-esperjenza (mhux regolata) inkella permezz ta’ edukazzjoni formali. Għalhekk il-KESE jħeġġeġ l-introduzzjoni ta’ “passaport tal-kwalifiki” (30) li għandu jagħti l-mobilità fix-xogħol lill-persuni b’diżabilità fl-UE.

4.11

Il-politiki dwar l-impjieg għal persuni b’diżabilità għandhom ikopru l-proċess kollu tal-ħajja marbut max-xogħol (“lifestreaming” (31), jindirizzaw il-kwistjonijiet tad-djar, l-edukazzjoni bażika, it-taħriġ, id-dejn familjari, id-diffikultajiet finanzjarji, is-saħħa, l-ambjent mhux favorevoli u l-ekonomija, kif ukoll ir-reklutaġġ, iż-żamma tal-impjieg u l-impjieg mill-ġdid.

4.12

Il-libertà tal-moviment (prinċipju Komunitarju) għadha mhijiex realtà għall-persuni b’diżabilità, u dan il-fatt iħalli impatt fuq iċ-ċaqliq tagħhom biex jaħdmu fl-UE, u jaffettwa l-istudju, l-irtirar u l-attivitajiet l-oħra kollha.

4.13

Wieħed mill-aktar ostakli prominenti għal-libertà tal-moviment huwa l-impossibilità tal-esportazzjoni tad-drittijiet bħalma hu dak għall-għajnuna personali, li jista’ jsir realtà b’miżuri prattiċi għall-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u permezz ta’ kampanji mal-Ewropa kollha għas-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ (32).

4.14

Il-KESE jfakkar li l-“inklużjoni attiva” għandha tkun marbuta mas-suq tax-xogħol u tiżgura livell adegwat ta’ dħul u aċċess għal servizzi soċjali ta’ kwalità għolja, rifless f’titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, għal dawk li huma qiegħda wkoll.

4.15

Il-KESE jfakkar li r-reklutaġġ f’ambjent tax-xogħol ordinarju jinvolvi s-servizzi ta’ reklutaġġ, faċilitajiet għat-taħriġ vokazzjonali mill-ġdid, servizzi soċjali u tas-saħħa, kif ukoll iż-żamma/il-ġestjoni tal-pagi u li jiġu pprovduti inċentivi (33).

4.16

Il-KESE jħeġġeġ biex il-benefiċċji soċjali u s-sistemi tat-taxxi jiġu aġġustati sabiex id-dħul fis-suq tax-xogħol ma jkunx jinkludi t-telf tas-setgħa tax-xiri għal persuni b’diżabilità u sabiex dawn jipprovdu motivazzjoni għal xogħol li hu mħallas b’mod ġust u li hu ta’ kwalità; iħeġġeġ ukoll li jiddaħħlu inċentivi finanzjarji li jinkoraġġixxu r-reklutaġġ minn kumpaniji, u jappoġġja l-impjiegi li joffru appoġġ fis-suq tax-xogħol ordinarju, l-impjieg indipendenti tal-persuni b’diżabilità u l-inkoraġġiment għall-intraprenditorija, fost oħrajn permezz tal-mikrofinanza (34), kif ukoll għal NGOs li jipprovdu servizzi għal ħaddiema b’diżabilità u l-familji tagħhom.

4.17

Għandhom jiddaħħlu miżuri għaż-żamma ta’ dawk li jiksbu diżabilità wara inċident jew mard biex jibqgħu fl-impjieg tagħhom jew li jinstabilhom post tax-xogħol ġdid, biex ma jkollhomx iħallu s-suq tax-xogħol qabel il-waqt. Huwa jappella biex il-postijiet tax-xogħol u l-madwar jiġu aġġustati (akkomodazzjoni raġonevoli) għall-persuni b’diżabilità, u jiġu pprovduti programmi ta’ taħriġ vokazzjonali u ta’ taħriġ mill-ġdid għal persuni b’diżabilità biex jiġi żgurat l-iżvilupp tal-karriera tagħhom (35). F'dawk il-pajjiżi fejn hemm arranġamenti għall-kwoti, għandu jiġi żgurat li l-miri tar-reklutaġġ jintlaħqu, bl-użu ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ adegwati. Id-dimensjoni soċjali tal-akkwist pubbliku wkoll tista’ ttejjeb l-impjieg tal-persuni b’diżabilità.

4.18

Il-KESE jinsab konvint bil-vantaġġi tal-iffinanzjar tal-impjiegi aktar milli tal-benefiċċji għall-qgħad, kif ukoll tal-fatt li l-persuni b’diżabilità jitħeġġu jfittxu xogħol, biex min iħaddem jagħtihom xogħol, u biex il-persuni b’diżabilità jaħdmu għal rashom.

4.19

Il-KESE jemmen fil-politiki, inkluża l-edukazzjoni bikrija, li jimmiraw li jgħinu fit-tranżizzjoni taż-żgħażagħ b’diżabilità mit-taħriġ għall-ewwel post tax-xogħol tagħhom, kif ukoll fil-politiki li japplikaw f’każijiet ta’ diżabilità miksuba, billi tiġi żgurata ż-żamma tal-impjieg tagħhom jew li jingħataw post tax-xogħol ġdid. Dawn il-gruppi għandhom ikunu prijorità fl-Istrateġija tal-UE għal wara l-2020, u jiġu inklużi fir-reviżjoni tal-Istrateġija tal-Kummissjoni għal persuni b’diżabilità. F'dan ir-rigward, il-KESE jixtieq ifakkar fl-opinjoni tiegħu SOC/349 favur strateġija li trid tiġi żviluppata mhux biss GĦAŻ-żgħażagħ iżda wkoll MAŻ-żgħażagħ (36).

4.20

Il-KESE jagħraf ir-rwol tan-negozji li jimpjegaw maġġoranza ta’ persuni b’diżabilità u ta’ oħrajn li huma aktar attivi f’dan il-qasam, kif ukoll, b’mod aktar wiesa’, tal-intrapriżi tal-ekonomija soċjali bħalma huma l-koperattivi, is-soċjetajiet ta’ mutwalità, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet li jrawmu l-inklużjoni soċjali u l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol bl-istess drittijiet tax-xogħol, billi jsirulhom arranġamenti speċjali li jiġu deċiżi mill-Istati Membri.

4.21

Il-KESE jenfasizza l-appoġġ lill-SMEs biex jadottaw perspettiva inklużiva tax-xogħol u jimplimentaw ir-rwol ċentrali tagħhom fl-iżgurar tal-effettività ta’ miżuri għal persuni b’diżabilità fix-xogħol.

4.22

L-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej u tal-Istati Membri għandhom ikunu konxji tas-sitwazzjoni u jkunu eżemplari fl-inklużjoni tal-ħaddiema b’diżabilità fil-forzi tax-xogħol tagħhom, permezz ta’ pjan ta’ azzjoni prattiku għat-titjib tar-rati attwali tal-impjiegi li jingħataw, li huma baxxi ħafna.

4.23

Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-kunċett ta’ flessigurtà għall-persuni b’diżabilità, jiġifieri t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-flessibbiltà u l-adattabilità tar-riżorsi umani fil-kumpaniji, appoġġjati minn kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità aħjar u sigurtà fl-impjieg. L-istrateġiji għandhom jiżguraw bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata, taħriġ tul il-ħajja, u passi għat-tranżizzjoni bejn ir-riżorsi soċjali u s-sitwazzjonijiet varji possibbli u l-impjieg, bħala parti miċ-ċiklu tal-ħajja għal persuni b’diżabilità.

4.24

Il-KESE jappoġġja l-ixprun għall-ħolqien ta’ setturi tax-xogħol ġodda li huma ekoloġiċi u soċjali, u l-promozzjoni tal-aċċessibbiltà u d-disinn għal kulħadd, li joffru opportunitajiet ta’ xogħol lil persuni b’diżabilità.

4.25

Il-KESE jappoġġja l-għajnuna għal dawk il-ħaddiema b’diżabilità li jeħtiġuha, flimkien mas-servizzi neċessarji li jippermettu lill-membri tal-familji ta’ dawk il-persuni b’diżabilità jkomplu jaħdmu.

4.26

Politiki ta’ sensibilizzazzjoni jpattu għall-isterjotipi (37) dwar ħaddiema b’diżabilità, u għandhom jimmiraw lill-imsieħba soċjali, il-livelli ta’ tmexxija medji u għoljin u l-ħaddiema, il-professjonisti fis-settur tas-saħħa u l-amministrazzjonijiet pubbliċi (38).

4.27

L-istrumenti rilevanti ta’ promozzjoni għandhom ikunu jistgħu jintużaw faċilment mill-kumpaniji u l-ħaddiema u għandhom jiġu promossi u użati b’mod effettiv mill-korpi pubbliċi.

4.28

Ir-rwol tal-mezzi tax-xandir għandu jiġi enfasizzat bħala fattur ewlieni għas-sensibilizzazzjoni u t-trawwim ta’ prinċipji ta’ tolleranza, l-inklużjoni soċjali u l-aċċettazzjoni tad-diversità fis-soċjetà Ewropea.

4.29

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ inizjattivi innovattivi, bħalma huma l-“passaport tal-kwalifiki” u l-“lifestreaming” imsemmija aktar ’il fuq u jinnota eżempji oħra:

4.29.1

is-servizz ta’ “job coaching” bħala mudell kif jiġi pprovdut appoġġ kontinwu u konsulenza fl-ambjent tax-xogħol ordinarju;

4.29.2

il-ħolqien ta’ sistema ta’ akkreditazzjoni tat-tagħlim li jkun sar qabel (39) li tirrifletti t-tagħlim progressiv;

4.29.3

appoġġ matul il-ħajja kollha tax-xogħol f’negozji u amministrazzjonijiet pubbliċi;

4.29.4

l-użu ta’ teknoloġiji ġodda b’sistemi ta’ appoġġ bħalma huma sistemi ta’ tutorials fuq vidjow (40) u b’mod ġenerali li jiġu pprovduti teknoloġiji ta’ appoġġ u li jiġi żgurat li t-teknoloġiji ġenerali tal-post tax-xogħol ikunu aċċessibbli;

4.29.5

l-iżvilupp ta’ Mudell għall-Ġestjoni tad-Diżabilità (Disability Management Model) (41) taħt l-awspiċi tal-politiki ġenerali dwar id-diversità tal-kumpaniji.

5.   L-aċċessibbiltà għal persuni b’diżabilità

5.1

Il-KESE jfakkar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-UE tas-17 ta’ Marzu 2008, “l-aċċessibbiltà tirrappreżenta xejn inqas mis-sisien ta’ soċjetà inklużiva bbażata fuq in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni”  (42), bi rwol fundamentali għall-imsieħba soċjali f’dan il-proċess, għax l-aċċessibbiltà hija prerekwiżit għall-impjieg.

5.2

Il-KESE jtenni l-opinjoni esploratorja tiegħu (43) Opportunitajiet indaqs għal persuni b’diżabilità, li tindika l-istess drittijiet iżda bżonnijiet differenti u forom differenti ta’ aċċessibbiltà għall-oġġetti u s-servizzi.

5.3

Il-KESE jirrakkomanda l-implimentazzjoni progressiva permezz ta’ għanijiet komuni għal tul ta’ żmien qasir, medju u twil (bi skadenzi ċari u finali għal oġġetti, servizzi u infrastrutturi ġodda) u li jkunu vinkolanti għall-Istati Membri, u, fost metodi oħra, jużaw il-potenzjal tal-akkwist pubbliku.

5.4

Il-KESE jagħraf li l-aċċessibbiltà hija kruċjali jekk iridu jiġu eżerċitati d-drittijiet politiċi u ċivili applikabbli immedjatament, u dan għandu jiġi rifless fi pjani speċifiċi ta’ aċċessibbiltà, flimkien ma’ standards u pieni li jkunu vinkolanti għall-awtoritajiet pubbliċi kollha u bil-possibbiltà għaċ-ċittadini b’diżabilità li jużaw mekkaniżmi biex jiddefendu d-drittijiet tagħhom. M’għandhomx isiru aktar elezzjonijiet tal-PE mingħajr il-garanzija ta’ aċċessibbiltà għall-postijiet tal-votazzjoni u mingħajr aċċess għal preżenza sinifikanti ta’ persuni b’diżabilità fil-lista tal-kandidati: għandhom jittieħdu l-miżuri adegwati fil-livell nazzjonali.

5.5

Il-KESE jfaħħar l-isforzi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni biex jiżguraw l-aċċessibbiltà, li l-għan tagħhom għandu jkun li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà universali (bini pubbliku, bini ta’ interess pubbliku, kumpaniji privati, oġġetti u servizzi, turiżmu, kummerċ elettroniku, informazzjoni, trasport, teknoloġija u komunikazzjonijiet).

5.6

Il-KESE jsostni li l-aċċessibbiltà tagħmel il-ġid lis-soċjetà kollha kemm hi (anzjani, nisa tqal, persuni b’mobbiltà mnaqqsa, eċċ). Negozji aktar aċċessibbli ser jattiraw aktar klijentela (15 % tal-konsumaturi). Prodotti ġodda joħolqu aktar swieq u huma sors ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli.

5.7

Il-KESE jenfasizza wkoll li l-impenn lejn l-aċċessibbiltà huwa impenn lejn id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadinanza Ewropea, kif sostna fl-opinjoni tiegħu dwar l-aċċessibbiltà elettronika (44).

5.8

Il-KESE jixtieq ifakkar lill-istituzzjonijiet Ewropej, u speċjalment lill-Kummissjoni, li l-għadd ta’ bini u tas-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni elettronika (eż. paġni tal-internet, it-taqsima tal-Kummissjoni dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi) li huma aċċessibbli għadu baxx. Għalhekk hemm bżonn li jitfassal pjan ta’ aċċessibbiltà li juri impenn ġenwin għal persuni b’diżabilità (45).

5.9

Il-KESE jappella għal għajnuniet tal-istat (46) għal kumpaniji u servizzi privati sabiex tintlaħaq il-mira ta’ akkomodazzjoni raġonevoli kif imniżżel fid-Direttiva 2000/78 (47). Il-prinċipju tal-aċċessibbiltà li tippjana bil-quddiem għandu jiġi implimentat fis-servizzi privati.

5.10

L-iżvilupp ta’ standards ta’ aċċessibbiltà bħala appoġġ għal-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku għandu jkompli, billi bħala eżempju tittieħed il-leġislazzjoni Amerikana li kienet ta’ suċċess. Il-KESE jfakkar fl-importanza tad-djalogu bejn l-istituzzjonijiet, l-industrija u s-soċjetà ċivili fid-definizzjoni ta’ dawn l-istandards (48).

5.11

Il-KESE jappoġġja d-dikjarazzjoni ta’ Kapitali Ewropea għall-Aċċessibbiltà Universali, ibbażata fuq sistema fejn jingħataw il-bnadar, fejn il-bliet u r-reġjuni Ewropej jiġu ppremjati tal-isforzi li jkunu għamlu għall-aċċessibbiltà għall-postijiet, l-oġġetti u s-servizzi u għat-tħeġġiġ ta’ żvilupp sostenibbli tal-awtoritajiet lokali.

5.12

Il-KESE jittama li r-regolamenti ġodda dwar l-ivvjaġġar bil-baħar, bix-xarabanks urbani u interurbani, u t-taksis, iqisu b’mod adegwat il-bżonnijiet differenti tal-persuni b’diżabilità, u jiġu aġġustati l-mezzi tat-trasport u l-madwar, imfassla fuq ir-Regolament attwali dwar l-ivvjaġġar bl-ajru u bil-ferrovija.

5.13

Il-KESE laqa’ b’ferħ il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-aċċessibbiltà elettronika (49), u għamel sejħa lill-UE biex tinkorpora l-azzjonijiet proposti fil-komunikazzjoni tal-aċċessibbiltà elettronika fil-qafas strateġiku Ewropew dwar is-soċjetà tal-informazzjoni. Hemm bżonn urġenti li titressaq leġislazzjoni għall-aċċessibbiltà elettronika f’oqsma bħalma huma l-aċċessibbiltà għall-websajts, il-komunikazzjoni inklużiva, it-teleservizzi, it-telefowns ċellulari, it-teknoloġija diġitali u l-ATMs, pereżempju. Dawn l-għanijiet kienu diġà dehru fl-2003 fid-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Kreta (50) u fid-Dikjarazzjoni ta’ Riga. Hemm raġunijiet biżżejjed biex wieħed jiddubita kemm dawn se jintlaħqu fl-iskadenzi mwaqqfa. Għaldaqstant il-KESE jappella għal pjan ta’ azzjoni intensiv biex dawn l-għanijiet jintlaħqu qabel l-2011.

5.14

Il-KESE jtenni l-impenn tiegħu lejn il-prinċipju ta’ “disinn għal kulħadd”, u jqis li hu fundamentali li dan il-kunċett jiddaħħal fil-kurrikuli tat-taħriġ vokazzjonali kif ukoll fil-korsijiet universitarji, sabiex il-professjonisti kollha japplikaw dan il-prinċipju.

5.15

Il-KESE jappoġġja l-iżvilupp ta’ “Karta Ewropea għad-Diżabilità” li tagħti lill-persuni b’diżabilità li jkunu ser jivvjaġġaw u jaqsmu l-fruntieri, ir-rikonoxximent reċiproku tad-drittijiet u l-istess livell ta’ aċċess għat-trasport, il-kultura u d-divertiment, u billi tittieħed bħala eżempju l-Karta Ewropea għall-Parkeġġ.

6.   Is-sessi u d-diżabilità

6.1

Il-KESE jinnota li n-nisa jgħoddu għal 60 % tal-persuni b’diżabilità fl-Ewropa u li mhumiex ittrattati l-istess, għax qed ikomplu jbatu minn diskriminazzjoni kontrihom fir-rikonoxximent tad-drittijiet tagħhom u fl-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi (tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-prevenzjoni tal-vjolenza fis-sessi, fost oħrajn).

6.2

Il-livelli ta’ impjiegi tan-nisa b’diżabilità baqgħu l-istess għal 10 snin, b’persentaġġ għoli ta’ nuqqas ta’ attività u ta’ qgħad, pagi aktar baxxi u problemi oħra biex jidħlu fis-suq tax-xogħol.

6.3

Hemm bżonn li s-sessi jiġu integrati fit-tfassil, l-implimentazzjoni, is-segwitu u l-evalwazzjoni tal-politiki dwar id-diżabilità. Hemm bżonn li miżuri u azzjonijiet speċifiċi jiġu mmirati biex jiggarantixxu l-aċċess għall-impjiegi, u biex irawmu r-reklutaġġ tan-nisa.

7.   Id-djalogu soċjali u d-diżabilità

7.1

Il-KESE jappella lill-imsieħba soċjali biex jiżguraw li l-persuni b’diżabilità jaħdmu fuq bażi ugwali għall-oħrajn, b’kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli, inklużi opportunitajiet indaqs u pagi ugwali għal xogħol tal-istess valur, u li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tax-xogħol u tat-trejdjunjins; b’mod partikolari jħeġġeġ lill-persuni b’diżabilità jieħdu sehem f’organizzazzjonijiet professjonali u tat-trejdjunjins u jħeġġeġ biex ix-xogħol sottokuntrattat isir taħt l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol (51) (Artikolu 27 tal-UNCRPD).

7.2

Id-djalogu soċjali huwa kruċjali fid-difiża tad-drittijiet, l-opportunitajiet indaqs u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni tal-persuni b’diżabilità fix-xogħol, is-sigurtà soċjali, is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, u kuntesti oħra, u fir-relazzjonijiet tax-xogħol inġenerali. Huwa essenzjali wkoll li jiġu implimentati miżuri għall-impjieg u l-aċċessibbiltà pożittivi, kif ukoll għat-taħriġ, il-promozzjoni u l-għajnuna tal-ħaddiema b’diżabilità.

7.3

L-imsieħba soċjali għandhom jadottaw id-dimensjoni tad-diżabilità fl-azzjonijiet u n-negozjati kollha intersettorjali, settorjali u fil-livell tal-kumpaniji, speċjalment fir-rigward tal-impjieg, l-aċċessibbiltà u l-kwistjonijiet ta’ protezzjoni soċjali, b’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili organizzata u l-persuni b’diżabilità.

7.4

L-imsieħba soċjali għandhom jiġu involuti fis-segwitu u l-applikazzjoni tal-UNCRPD dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali.

8.   Il-parteċipazzjoni u d-djalogu ċivili

8.1

Il-KESE jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-prinċipju ta’ “Xejn għall-persuni b’diżabilità mingħajr persuni b’diżabilità” (52) u jemmen li hemm bżonn ta’ politiki ta’ responsabbilizzazzjoni u ta’ awtopromozzjoni tad-drittijiet individwali (“self-advocacy”).

8.2

Il-KESE jqis li d-djalogu ċivili mal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom huwa l-aħjar qafas għat-titjib tal-governanza tal-UE, bit-twaqqif ta’ mekkaniżmi u protokolli vinkolanti u l-ħolqien ta’ korpi parteċipattivi u konsultattivi ad hoc fi ħdan l-Unjoni.

8.3

L-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità għandhom jiġu involuti fir-rapporti regolari li jevalwaw il-politiki ta’ impjieg u aċċessibbiltà, l-implimentazzjoni tal-UNCRPD u l-programmi u l-istrumenti finanzjarji tal-Kummissjoni, biex tiġi garantita l-inklużjoni tal-viżjoni tas-soċjetà ċivili, pereżempju permezz ta’ rapporti alternattivi.

8.4

L-UE u l-Istati Membri għandhom jippromovu u jiżguraw l-iffinanzjar għall-iżvilupp tas-soċjetà ċivili, biex jipproteġu l-indipendenza u l-kapaċità tagħha li tieħu sehem fit-tfassil tal-politiki u/jew fit-twassil tas-servizzi soċjali.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 241, 7.10.2002, p. 89 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Opinjonijiet tal-KESE: ĠU C 182, 4.8.2009, p. 19ĠU C 10, 15.1.2008, p. 80ĠU C 93, 27.4.2007, p. 32 (mhux disponibbli bil-Malti) – ĠU C 256, 27.10.2007, p. 102ĠU C 185, 8.8.2006, p. 46 (mhux disponibbli bil-Malti) – ĠU C 88, 11.4.2006, p. 22 (mhux disponibbli bil-Malti) – ĠU C 110, 9.5.2006, p. 26 (mhux disponibbli bil-Malti) – ĠU C 24, 31.1.2006, p. 15 (mhux disponibbli bil-Malti) – ĠU C 110, 30.4.2004, p. 26 (mhux disponibbli bil-Malti) – ĠU C 133, 6.6.2003, p. 50 (mhux disponibbli bil-Malti) – ĠU C 36, 8.2.2002, p 72 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/microdata/eu_silc

(4)  Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ November 2000 – Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2006; Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 [Ġurnal Uffiċjali L 204, 26.7.2006] u l-Pakkett tat-Telekomunikazzjoni COM(2007) 697 finali – COD 2007/0247.

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Aġenda Soċjali, COM(2005) 33 finali (mhux disponibbli bil-Malti) u Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-opportunitajiet indaqs għall-persuni b’diżabilità: Pjan ta’ Azzjoni Ewropew, COM(2003) 650 finali (mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  http://antiguo.cermi.es/graficos/declaracion-madrid.asp.

(7)  http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=3784&langId=en

(8)  Ewrobarometru, Id-diskriminazzjoni fl-UE fl-2009 (ibbażat fuq il-ġbir ta’ tagħrif fuq il-post bejn id-29 ta’ Mejju u l-14 ta’ Ġunju 2009).

(9)  COM(2009) 647 finali.

(10)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill (2008/C75/01).

(11)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 93, 27.4.2007 (mhux disponibbli bil-Malti)

(http://w3.bcn.es/fitxers/baccessible/greugecomparatiueconmic.683.pdf).

http://www.feaps.org/actualidad/23_04_09/ultima_hora/sobreesfuerzo_15_04_09.pdf

(12)  COM(2009) 58 finali.

(13)  COM(2009) 647 finali.

(14)  Gregorio Rodríguez Campo, Carlos García Serrano u Luis Toharia, Evaluación de las políticas de empleo para las personas con discapacidad y formulación y coste económico de nuevas propuestas de integración laboral (“Evalwazzjoni tal-politiki tal-impjieg għall-persuni b’diżabilità u l-formulazzjoni u l-ispiża ekonomika ta’ proposti ġodda għall-integrazzjoni fix-xogħol”), Colección Telefónica Accessible no. 9, Ediciones Cinca, April 2009 - ISBN: 978-84-96889-48-4. Madrid, Spanja.

(15)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill (2008/C75/01).

(16)  http://cms.horus.be/files/99909/MediaArchive/EDF%20declaration%20on%20girls%20and%20women%20with%20disabilities.doc.

(17)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 10, 15.1.2008, p. 80.

(18)  Deċiżjoni tal-Kunsill 15540/09 tal-24 ta’ Novembru 2009.

(19)  http://cms.horus.be/files/99909/MediaArchive/library/EDF_contribution_OHCHR_contribution_national_frameworks_for_implementation_CRPD(final).doc.

(20)  http://www.efc.be/Networking/InterestGroupsAndFora/Disability/Pages/TheEuropeanConsortiumofFoundationsonHumanRightsandDisability.aspx.

(21)  Proposta għal Direttiva tal-Kunsill (COM(2008) 426 finali), 2 ta’ Lulju 2008.

(22)  http://www.observatoriodeladiscapacidad.es/?q=es/informacion/agenda/18112009/presentaci_n_de_innet16_european_inclusion_network_lanzamiento_del_obser.

(23)  Statistics in Focus, Theme 3: Employment of disabled people in Europe 2002 (Statistika fil-qosor, Tema 3: L-impjieg tal-persuni b’diżabilità fl-Ewropa 2002), Eurostat 26/2003.

http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-NK-03-026/EN/KS-NK-03-026-EN.PDF.

(24)  L-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Eurostat) – Jannar 2010.

(25)  Ewrobarometru, Id-diskriminazzjoni fl-UE fl-2009 u Opinjoni tal-KESE, ĠU C 256 de 27.10.2007, p. 102.

(26)  http://www.cermi.es/NR/rdonlyres/6487C9F8-F423-493B-83B8-562CB09201B8/30184/EstudioCERMICrisisyDiscapacidad.doc

www.cermi.es

(27)  Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell, 23/24 ta’ Marzu 2006.

(28)  Direttiva tal-Kunsill 2000/78.

(29)  Analiżi tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, ibbażata fuq id-data miġbura mill-Monitoraġġ tas-Saħħa Federali tal-Ġermanja (2007). http://www.gbe-bund.de/gbe10/pkg_isgbe5.prc_isgbe?p_uid=gastd&p_sprache=E.

(30)  Ċentru Ewropew ta’ Intrapriżi b’Parteċipazzjoni Pubblika u ta’ Intrapriżi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (CEEP), http://www.ceep.eu

(31)  Ċentru Ewropew ta’ Intrapriżi b’Parteċipazzjoni Pubblika u ta’ Intrapriżi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (CEEP), http://www.ceep.eu.

(32)  Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol.

(33)  Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol.

(34)  http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=es&catId=89&newsId=547.

(35)  Guide on Creating an inclusive society: mainstreaming disability based on the social economy example (Gwida bl-isem “Il-ħolqien ta’ soċjetà inklużiva: l-integrazzjoni tad-diżabilità fuq il-bażi tal-eżempju tal-ekonomija soċjali”)

http://www.socialeconomy.eu.org/IMG/pdf/Guide_on_Disability_Mainstreaming_and_Social_Economy.pdf.

(36)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 113.

(37)  www.fundaciononce.es

(38)  Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, http://www.eurofound.europa.eu/.

(39)  Ċentru Ewropew ta’ Intrapriżi b’Parteċipazzjoni Pubblika u ta’ Intrapriżi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (CEEP), http://www.ceep.eu.

(40)  Ċentru Ewropew ta’ Intrapriżi b’Parteċipazzjoni Pubblika u ta’ Intrapriżi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (CEEP), http://www.ceep.eu.

(41)  Ċentru Ewropew ta’ Intrapriżi b’Parteċipazzjoni Pubblika u ta’ Intrapriżi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (CEEP), http://www.ceep.eu.

(42)  Riżoluzzjoni tal-Kunsill (2008/C 75/01)

(43)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 93, 27.4.2007, p. 32 (mhux disponibbli bil-Malti).

(44)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 110, 9.5.2006 , p. 26 (mhux disponibbli bil-Malti) u Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 2003 (ĠU C 39, 2003, p. 5) (mhux disponibbli bil-Malti).

(45)  COM(2007) 501 finali.

(46)  Artikoli 41 u 42 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008.

(47)  Direttiva tal-Kunsill 2000/78 tas-27 ta’ November 2000.

(48)  http://ec.europa.eu/information_society/activities/einclusion/archive/deploy/pubproc/eso-m376/index_en.htm

http://cms.horus.be/files/99909/MediaArchive/M420%20Mandate%20Access%20Built%20Environment.pdf

(49)  COM(2005) 425 finali, COM(2008) 804 finali.

(50)  Dikjarazzjoni dwar l-inklużjoni elettronika: Ministri tat-Transport u l-Komunikazzjoni tal-Unjoni Ewropea. April 2003.

(51)  Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

(52)  Is-slogan tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità (FED), Assemblea Ġenerali tal-FED tal-2009.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti” (opinjoni esploratorja)

2010/C 354/03

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

F’ittra tat-23 ta’ Lulju 2009, is-Sur Diego López Garrido, Segretarju tal-Istat għall-Unjoni Ewropea fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni, f’isem il-Presidenza Spanjola futura, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, sabiex ifassal opinjoni esploratorja dwar

L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Frar 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010 (seduta tas-17 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’138 vot favur, 5 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u proposti

1.1   Il-KESE jenfasizza l-valur miżjud Ewropew tal-politiki tal-impjieg u l-politiki tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni. Politiki purament nazzjonali ma jaħdmux; se jkun meħtieġ li jissaħħu s-sisien ta’ dawn il-politiki.

1.2   Immigranti rġiel u nisa qed jagħtu kontribut pożittiv lill-iżvilupp ekonomiku u l-benesseri fl-Ewropa. Bħala riżultat taċ-ċirkostanzi demografiċi tagħha, l-UE se jkollha ddaħħal iktar immigranti ġodda.

1.3   Jeħtieġ li jitjiebu l-proċessi ta’ integrazzjoni fl-interessi kemm tal-effiċjenza ekonomika kif ukoll tal-koeżjoni soċjali. L-impjieg huwa l-aspett ewlieni tal-integrazzjoni.

1.4   L-integrazzjoni hija proċess soċjali bidirezzjonali tal-akkomodazzjoni reċiproka li għandu jiġi ffaċilitat permezz ta’ governanza tajba u leġiżlazzjoni soda. Il-KESE jitlob lill-Kunsill biex jadotta Direttiva li tiggarantixxi qafas komuni tad-drittijiet għall-ħaddiema immigranti, u biex isaħħaħ il-leġiżlazzjoni eżistenti kontra d-diskriminazzjoni.

1.5   L-integrazzjoni fuq il-post tax-xogħol, flimkien ma’ opportunitajiet u trattament indaqs, tirrappreżenta sfida għall-imsieħba soċjali wkoll. Jeħtieġ li dawn iħeġġuha fl-ambitu tan-negozzjar kollettiv u d-djalogu soċjali, inkluż fil-livell Ewropew. Jeħtieġ li l-ħaddiema immigranti jkollhom attitudni pożittiva favur l-integrazzjoni.

1.6   In-negozji qed jiffunzjonaw f’ambjent fejn dejjem qed tiżdied id-diversità. Dawn għandhom jadottaw approċċ pożittiv għad-diversità kulturali sabiex tiżdied l-integrazzjoni kif ukoll l-opportunitajiet.

1.7   Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni titlob opinjoni esploratorja dwar il-ħolqien ta’ pjattaforma Ewropea għal djalogu dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, kif stipulat fil-Programm ta’ Stokkolma.

2.   Kamp ta’ applikazzjoni tal-opinjoni

2.1   Il-Presidenza Spanjola talbet lill-KESE jfassal opinjoni esploratorja dwar kif l-UE tista’ tintegra aħjar lill-ħaddiema immigranti. Għalhekk f’din l-opinjoni l-Kumitat ser jikkonċentra fuq l-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti fl-impjieg u fuq aspetti oħra direttament jew indirettament relatati mas-suq tax-xogħol.

2.2   L-aspetti ġenerali tal-politika tal-immigarazzjoni u l-integrazzjoni ser jiġu ttrattati biss jekk dawn jaffettwaw l-opinjoni direttament. Il-Kumitat adotta numru ta’ opinjonijiet dwar l-integrazzjoni (1) b’lenti aktar ġenerali, u fassal opinjoni fuq inizjattiva proprja ffokata fuq it-tisħiħ tal-integrazzjoni fl-aġenda tal-politika soċjali l-ġdida tal-UE, f’oqsma bħalma huma l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-saħħa, id-djar, il-politika tal-familja u taż-żgħażagħ, il-faqar, l-esklużjoni soċjali, eċċ.

2.3   L-Ewropa għandha ssaħħaħ l-attenzjoni tagħha fuq l-integrazzjoni fi ħdan il-politika komuni tal-integrazzjoni. Il-Kumitat waqqaf grupp ta’ studju permanenti dwar l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni biex dan jaħdem mal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni.

2.4   It-Trattat ta’ Lisbona għandu bażi legali aktar solida (2) biex l-UE tipprovdi “appoġġ għall-azzjoni tal-Istati Membri bl-għan li tiġi promossa l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fit-territorju tagħhom”.

3.   L-immigranti jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u l-benesseri tal-Ewropa

3.1   Dawn l-aħħar snin l-Ewropa laqgħet bosta persuni minn pajjiżi terzi bħala emigranti li qed ifittxu opportunitajiet ġodda. Madankollu, il-politiki restrittivi implimentati minn bosta gvernijiet Ewropej jillimitaw ir-reklutaġġ legali ta’ ħaddiema immigranti mill-kumpaniji.

3.2   Fir-Rapport 2008 dwar l-Impjieg fl-Ewropa  (3), il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-immigranti taw kontribut sinifikanti għat-tkabbir ġenerali tal-impjiegi u tal-ekonomija fl-UE mill-2000 ’l hawn, billi għenu biex jiġi ffaċċjat in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, u billi żiedu l-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol.

3.2.1   Fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (2009/2010) (4), il-Kummissjoni turi li għalkemm l-UE għaddejja minn kriżi fejn qed jinqerdu l-impjiegi, ċerti Stati Membri u kategoriji tal-impjieg għadhom qed ibatu minn nuqqas ta’ ħaddiema. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tissaħħaħ l-integrazzjoni ta’ dawk l-immigranti li diġà waslu u li nltaqtu b’mod partikulari mill-kriżi, u tħeġġeġ ukoll lill-kumpaniji biex jiddiversifikaw il-forzi tax-xogħol tagħhom u jintroduċu “karti tad-diversità”.

3.3   Mis-sena 2000, 21 % tat-tkabbir tal-PDG u 25 % tal-impjiegi l-ġodda fl-UE nħolqu bis-saħħa tal-kontribut tal-immigranti, tant li t-tkabbir f’ċerti setturi ekonomiċi kien jistaġna jew jonqos kieku ma kinux magħmula fil-parti l-kbira minn ħaddiema immigranti, kemm irġiel kif ukoll nisa.

3.4   Wieħed għandu jiftakar li r-restrizzjonijiet marbuta maċ-ċittadini mill-Istati Membri l-ġodda li qed jaħdmu fl-UE tneħħew minn bosta pajjiżi (ir-Renju Unit, l-Irlanda, l-Isvezja, eċċ.).

3.5   Il-Kumitat jixtieq jenfasizza l-importanza tal-ispirtu intraprenditorjali li juru bosta immigranti, li bdew in-negozju tagħhom fl-Ewropa u b’hekk għenu biex jinħolqu l-impjiegi u jiġi ġġenerat il-ġid, minkejja li l-liġijiet tal-immigrazzjoni ħafna drabi joħolqulhom ostakli li huma diffiċli ħafna biex jingħelbu.

3.6   Minkejja li l-intensità tal-flussi ta’ migrazzjoni varjat bejn l-Istati Membri tal-UE, jidher li t-tkabbir ekonomiku u tal-impjieg kien l-akbar f’dawk il-pajjiżi li żammew l-akbar numru ta’ immigranti. F’ċerti Stati Membri, inklużi Spanja, ir-Renju Unit, l-Irlanda u l-Italja, il-persentaġġ huwa aktar għoli (5).

3.7   Iż-żieda tal-immigrazzjoni fis-soċjetajiet Ewropej tqajjem ukoll problemi ġodda u toħloq sfida kbira għall-koeżjoni soċjali. Is-soċjetajiet Ewropej qed jiffaċċaw għadd kbir ta’ problemi soċjali minħabba l-immigrazzjoni u dawn jirrikjedu approċċ komprensiv kif diġà ppropona l-KESE f’opinjonijiet oħra.

3.8   Il-Kumitat jemmen li dawn il-problemi soċjali (razziżmu, delinkwenza, vjolenza marbuta mas-sessi, marġinalizzazzjoni, falliment fl-iskola, eċċ.) huma xhieda qawwija tal-ħtieġa li tittejjeb l-integrazzjoni. Il-gvern, speċjalment fil-livell lokali, ta’ spiss jinħakem minn dawn il-problemi.

3.9   Ix-xandir kultant jieħu approċċ sensazzjonalista dwar il-kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni, li jqajjem tħassib fost il-poplu. Barra minn hekk, ċerti mexxejja politiċi jużaw dawn il-problemi b’mod opportunista irresponsabbli.

3.10   Il-Kumitat jinnota bi tħassib li r-razziżmu u l-ksenofobija qed jinxterdu f’bosta setturi soċjali. Il-partiti u l-movimenti estremisti jisfruttaw il-problemi ġġenerati mill-immigrazzjoni sabiex ixerrdu l-biża’ fost il-popolazzjoni u biex jippromovu politiki vjolenti u intolleranti li jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem.

3.11   Ir-razziżmu huwa kklassifikat bħala delitt kriminali, iżda ħafna drabi l-awtoritajiet politiċi u l-mexxeja tas-soċjetà juru livelli inaċċettabli ta’ tolleranza għalih. Jeħtieġ li l-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji, dawk responsabbli mill-formazzjoni tal-opinjoni, ix-xandir u l-personaġġi politiċi jibdlu l-attitudni tagħhom u jiġġieldu r-razziżmu b’aktar determinazzjoni u pedagoġija soċjali.

4.   L-immigrazzjoni fl-Ewropa ser tiżdied fil-ġejjieni

4.1   Il-qagħda demografika fl-UE tindika li, bħala riżultat ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u ta’ rata baxxa ta’ twelid, is-swieq tax-xogħol se jkollhom bżonn il-parteċipazzjoni ta’ għadd kbir ta’ ħaddiema immigranti. Skont it-tbassir demografiku l-aktar riċenti tal-Eurostat, il-popolazzjoni f’età tajba għax-xogħol ser tibda tonqos wara l-2012, anki jekk l-immigrazzjoni tul dawn l-għaxar snin tinżamm għal 1,5 miljun fis-sena. Il-popolazzjoni f’età tajba għax-xogħol se tonqos b’14-il miljun, sakemm il-flussi ta’ migrazzjoni ma jiżdidux tul l-għaxar snin li ġejjin.

4.2   Min-naħa l-oħra, nafu li l-mobilità internazzjonali tal-ħaddiema ser tiżdied madwar id-dinja, peress li ħafna persuni f’pajjiżi terzi qed ikollhom jemigraw minħabba nuqqas ta’ xogħol deċenti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, u wħud minnhom jixtiequ jiġu l-Ewropa sabiex ifittxu opportunitajiet ġodda kemm ta’ xogħol kif ukoll personali.

4.3   Il-KESE jara x-xewqa ta’ immigranti ġodda li jiffukaw il-proġetti ta’ migrazzjoni tagħhom fuq l-Ewropa bħala opportunità kbira.

4.4   Il-Kumitat jikkunsidra li jinħtieġu politiki li jtejbu l-integrazzjoni soċjali biex il-ħaddiema immigranti jsibu l-opportunitajiet li qed ifittxu, u biex is-soċjetajiet Ewropej jiksbu koeżjoni aħjar: is-suċċess tal-proġetti ta’ migrazzjoni – mil-lat kemm tal-ħaddiema immigranti kif ukoll tas-soċjetajiet ospitanti – jiddependi minn kif iseħħu l-proċessi ta’ integrazzjoni.

4.5   Il-kriżi ekonomika u ż-żieda fil-qgħad qed jaffettwaw is-setturi kollha tas-soċjetà, il-ħaddiema lokali u l-immigranti. Id-data tas-suq tax-xogħol madwar l-Ewropa tindika li l-ħaddiema immigranti bi ftit kwalifiki li għandhom impjieg ta’ kwalità baxxa huma l-ewwel vittmi tal-kriżi, u li l-immigranti nisa huma aktar affettwati mill-qgħad.

4.6   Minkejja r-riċessjoni attwali u ż-żieda fil-qgħad fl-Ewropa, it-tbassir demografiku juri li ladarba tgħaddi l-kriżi u l-livelli ta’ tkabbir ekonomiku u tal-impjieg jerġgħu jirkupraw, se jkunu meħtieġa immigranti ġodda sabiex dawn jissodisfaw il-bżonnijiet tas-swieq tax-xogħol Ewropej, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull Stat Membru.

5.   Il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar id-dħul: l-isfida li jmiss

5.1   Minn mindu l-UE, għaxar snin ilu, bdiet miexja fit-triq li għandha twassal għal politika komuni tal-immigrazzjoni, l-akbar diffikultà tinsab fl-abbozzar tal-leġiżlazzjoni li tirregola d-dħul ta’ immigranti ġodda, peress li kull Stat Membru kellu leġiżlazzjoni b’approċċ differenti.

5.2   Il-politiki u l-liġijiet tal-immigrazzjoni u l-aċċess għall-impjieg huma marbuta mal-iżviluppi tas-suq tax-xogħol. Bħala riżultat ta’ dan, l-imsieħba soċjali għandu jkollhom parti attiva, iżda l-politiki u l-liġijiet għandhom ikunu bbażati wkoll fuq il-konformità mad-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti.

5.3   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-leġiżlazzjoni tal-immigrazzjoni għandha tiffaċilita l-integrazzjoni u tqis lill-ħaddiem immigranti bħala ċittadini ġodda, bnedmin bi drittijiet li għandhom jiġu salvagwardjati u mhux biss bħala forza tax-xogħol minn fejn jistgħu jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol.

5.4   L-imsieħba soċjali għandhom jipparteċipaw fil-livelli differenti kollha. Il-Kumitat jinnota b’interess il-proposta tal-Kummissjoni biex titwaqqaf pjattaforma Ewropea ta’ djalogu dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni tax-xogħol, li fiha jkunu jistgħu jieħdu sehem l-imsieħba soċjali.

5.5   Il-KESE ppropona politika komuni tal-immigrazzjoni u leġiżlazzjoni armonizzata sabiex l-immigranti jaslu permezz ta’ mezzi legali, u biex jiġu ttrattati b’mod ġust, biex ikunu mħarsa d-drittijiet fundamentali tagħhom u biex titjieb l-integrazzjoni.

5.6   Madankollu, l-Ewropa ma laqgħatx lill-immigranti b’leġiżlazzjoni u politiki adatti. Anzi, minħabba n-natura restrittiva ta’ ħafna mill-politiki u mil-liġijiet nazzjonali, bosta immigranti daħlu permezz ta’ kanali irregolari u qed ikollhom jaħdmu fl-ekonomija informali. Il-Kumitat jemmen li l-UE għandha tieħu inizjattivi ġodda sabiex ix-xogħol informali jinbidel f’xogħol legali.

5.7   Il-Kumitat iqis li l-iffaċilitar tal-proċeduri għall-immigrazzjoni legali ser inaqqas l-immigrazzjoni irregolari u r-riskju li ċerti ħaddiema irregolari jsiru vittmi ta’ netwerks kriminali involuti fil-kutrabandu u fit-traffikar tal-persuni. Il-Programm ta’ Stokkolma jinkludi inizjattivi ġodda tal-UE għall-ġlieda kontra dawn in-netwerks kriminali.

5.8   Il-KESE huwa tal-fehma li dawn il-politiki restrittivi għandhom impatt negattiv ħafna fuq il-proċessi ta’ integrazzjoni peress li dawn il-politiki jagħżlu lill-immigranti bħala persuni mhux mixtiqin u mhux aċċettati.

5.9   Dawn il-politiki kultant kienu akkumpanjati minn attitudnijiet politiċi u soċjali fejn l-immigrazzjoni tpinġiet f’termini kriminali, li ġġeneraw l-esklużjoni u ppromovew il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni.

5.10   Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil issa ser jiġi implimentat tul is-snin li ġejjin permezz tal-Programm ta’ Stokkolma. Bit-Trattat ta’ Lisbona x’aktarx l-adozzjoni tal-ftehimiet fil-Kunsill se tkun iktar faċli, u l-kodeċiżjoni tal-Parlament Ewropew ser tiffaċilita l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

5.11   Il-KESE kien jippreferi leġiżlazzjoni orizzontali, iżda l-Kunsill u l-Kummissjoni għażlu d-direttivi settorjali. Dan l-aħħar ġiet adottata d-Direttiva dwar il-Karta Blu (6) sabiex jiġi ffaċilitat id-dħul ta’ ħaddiema bi kwalifiki għolja. Il-Kummissjoni beħsiebha tfassal proposti ġodda għal direttivi fix-xhur li ġejjin.

5.12   Il-Kumitat huwa tal-fehma li huwa kruċjali għall-UE li jkollha leġiżlazzjoni adegwata dwar id-dħul peress li l-integrazzjoni hija assoċjata mill-qrib mat-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-KESE appoġġja (7) (għalkemm ippropona li jsir xi titjib) id-Direttiva Qafas dwar id-drittijiet tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi proposta mill-Kummissjoni (8), li għadha qed tiġi diskussa mill-Kunsill. L-approċċ li ttieħed fil-verżjoni li bħalissa qed jaħdem fuqha l-Kunsill la hu suffiċjenti u lanqas aċċettabbli għas-soċjetà ċivili u għall-Kumitat.

5.13   Il-Kunsill għandu jadotta d-Direttiva Qafas sabiex jiżgura livell adegwat ta’ drittijiet għall-ħaddiema immigranti kollha u biex jipprevjeni d-diskriminazzjoni. Il-Kumitat jipproponi li l-Presidenza Spanjola tal-UE terġa’ tiftaħ id-dibattitu fil-Kunsill dwar id-Direttiva Qafas sabiex tiġi adottata malajr bil-kondizzjoni litkun tinkludi sett adatt ta’ drittijiet komuni fl-UE kollha, fuq il-bażi tat-trattament ugwali b’mod partikulari fir-rigward tad-drittijiet soċjali u dawk tax-xogħol għall-ħaddiema immigranti.

5.14   Dan l-aħħar il-KESE adotta opinjoni fuq inizjattiva proprja fejn ħeġġeġ li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali fil-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni (9). Din tipproponi qafas avvanzat ta’ drittijiet u obbligi. Hemm bżonn ukoll li tiġi riformata d-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja.

6.   L-impjieg huwa l-element ewlieni fil-proċess tal-integrazzjoni

6.1   L-integrazzjoni hija proċess soċjali bidirezzjonali ta’ adattament reċiproku li jinvolvi kemm lill-immigranti kif ukoll lis-soċjetà ospitanti. Dan huwa l-ewwel wieħed fost il-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-integrazzjoni li ġew adottati mill-Kunsill fl-2004.

6.2   L-integrazzjoni tirrikjedi tmexxija b’saħħitha min-naħa tal-awtoritajiet, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet. Il-politiki pubbliċi jistgħu jiffaċilitaw dawn il-proċessi soċjali, u l-involviment attiv tas-soċjetà ċivili huwa kruċjali wkoll. F’opinjoni preċedenti (10), il-KESE enfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

6.3   Il-ħaddiema immigranti għandu jkollhom attitudni favorevoli wkoll għall-integrazzjoni, u għandhom jagħmlu sforz sabiex jitgħallmu l-lingwa, il-liġijiet u d-drawwiet tas-soċjetà ospitanti.

6.4   Il-KESE, flimkien mal-Kummissjoni, huwa impenjat fl-attivitajiet tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, u jixtieq għal darba oħra jenfasizza l-importanza li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu involuti u kkonsultati fil-livelli varji tal-governanza.

6.5   L-integrazzjoni ta’ persuni ta’ oriġini ta’ immigrant tmur lil hinn mid-dinja tax-xogħol koperta minn din l-opinjoni, peress li l-integrazzjoni hija speċjalment importanti fid-dimensjoni tal-familja, fl-iskejjel u l-universitajiet, il-bliet u l-viċinat, l-istituzzjonijiet reliġjużi, l-organizzazzjonijiet sportivi u kulturali, eċċ.

6.6   Ix-xogħol jirrappreżenta parti fundamentali tal-proċess tal-integrazzjoni soċjali, peress li x-xogħol deċenti huwa vitali għall-awtosuffiċjenza tal-immigranti u jiffaċilita r-relazzjonijiet soċjali u l-fehim reċiproku bejn is-soċjetà ospitanti u l-immigranti.

6.7   L-Ewropa soċjali hija bbażata fuq ix-xogħol, u l-integrazzjoni hija kruċjali għall-iżvilupp ta’ Ewropa soċjali. In-negozji Ewropej huma atturi soċjali vitali u huma kemm ikkonċernati mill-integrazzjoni kif ukoll impenjati fiha.

6.8   Il-kriżi ekonomika u ż-żieda fil-qgħad qed idgħajfu l-proċessi ta’ integrazzjoni u qed jiggravaw għadd ta’ kunflitti fi ħdan is-soċjetà u s-suq tax-xogħol. Il-KESE huwa tal-fehma li f’dawn iċ-ċirkostanzi jeħtieġ li l-isforzi favur l-integrazzjoni jiġu rduppjati minn dawk kollha involuti: l-immigranti, l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili.

6.9   Il-ħaddiema immigranti Ewropej iridu jiġu ttrattati b’mod ġust peress li huma protetti mill-konvenzjoniijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mill-prinċipji u l-liġijiet stabbiliti fil-konvenzjonijiet tal-ILO. F’opinjoni oħra (11), il-KESE elenka d-drittijiet u l-obbligi li l-leġiżlazzjoni Ewropea għandha tiggarantixxi lill-ħaddiema immigranti.

6.10   Il-KESE jemmen li l-leġiżlazzjoni u l-politiki pubbliċi għandhom jiġu appoġġjati minn kooperazzjoni mal-imsieħba soċjali peress li l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol hija wkoll kwistjoni ta’ attitudni soċjali u ta’ impenn min-naħa tat-trejdjunjins u ta’ min iħaddem.

6.11   Is-servizzi pubbliċi tal-impjieg għandhom jagħtu spinta ’l quddiem lill-programmi biex jgħinu lill-immigranti jsibu xogħol u dawn il-programmi għandhom jinkludu għajnuna għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, it-titjib tat-tagħlim tal-lingwa u tat-taħriġ professjonali mingħajr diskriminazzjoni, u l-għoti ta’ informazzjoni adegwata dwar is-sistemi tal-impjieg fil-pajjiż ospitanti.

6.12   It-trejdjunjins, l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, l-assoċjazzjonijiet tal-immigranti, u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili għandhom rwol ewlieni fit-tixrid tal-informazzjoni u biex jgħinu lill-immigranti jsibu xogħol.

6.13   Ħafna mill-kumpaniji fl-Ewropa huma ta’ daqs żgħir jew medju. Dawn jipprovdu impjieg għall-maġġoranza tal-popolazzjoni ta’ ħaddiema, inklużi l-immigranti. Bħala konsegwenza ta’ dan il-proċessi tal-integrazzjoni soċjali jseħħu l-aktar fl-SME s.

7.   It-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni bħala l-pilastri tal-integrazzjoni

7.1   Il-KESE jemmen li l-akkoljenza u t-trattament li l-awtoritajiet u n-negozji jagħtu tal-ħaddiema immigranti huma fundamentali; dawn ta’ spiss isibu lilhom infushom fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ ħaddiema mill-pajjiż ospitanti.

7.2   Għalkemm is-sitwazzjoni tvarja minn Stat Membru għal ieħor, bħalma jvarjaw il-liġijiet tax-xogħol u l-prattiki soċjali, fl-Ewropa bosta ħaddiema immigranti jesperjenzaw żvantaġġi u diffikultajiet biex isibu impjieg kif ukoll in-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħhom. Barra minn hekk, dawn ħafna drabi ma jitkellmux il-lingwa, u ma jkunux familjari mal-liġijiet, id-drawwiet u l-istituzzjonijiet soċjali lokali.

7.3   Il-punt tat-tluq huwa leġiżlazzjoni soda kontra d-diskriminazzjoni, iżda fil-livell nazzjonali għad hemm leġiżlazzjoni li tiddiskrimina bejn il-ħaddiema lokali u dawk immigranti, u b’mod partikolari prattiki diskriminatorji diretti jew indiretti fir-rigward tal-ħaddiema minħabba l-oriġini nazzjonali, etnika jew kulturali tagħhom.

7.4   It-trattament ugwali u l-politiki tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni jirrappreżentaw il-pilastri tal-politiki ta’ integrazzjoni. Bħala riflessjoni tal-attenzjoni bidirezzjonali tiegħu dwar l-integrazzjoni, il-Kumitat jemmen li n-negozji, it-trejdjunjins u l-awtoritajiet għandhom jiżguraw trattament ugwali għall-ħaddiema immigranti tagħhom u għandhom jipprevjenu kull forma ta’ diskriminazzjoni.

7.5   Min iħaddem u l-ħaddiema immigranti għandhom jirrispettaw l-istandards tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi fis-seħħ f’kull kumpanija jew settur, skont il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali. Il-Kumitat jenfasizza li r-razziżmu u d-diskriminazzjoni huma forom ta’ imġiba kriminali li għandhom jiġu ppenalizzati wkoll fil-kumpaniji skont il-liġi tax-xogħol.

7.6   Sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni fix-xogħol, il-ħaddiema immigranti għandhom jiġu infurmati dwar il-liġijiet tax-xogħol u l-ftehimiet kollettivi li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi tal-post tax-xogħol tagħhom.

7.7   Ambjent politiku u soċjali li huwa favur l-integrazzjoni jagħmilha aktar faċli għall-ħaddiema immigranti biex dawn isegwu rotot fid-direzzjoni tal-integrazzjoni u programmi li l-awtoritajiet għandhom jipprovdulhom, bħalma huma t-tagħlim tal-lingwi, tal-liġijiet u tad-drawwiet.

7.8   Id-Direttiva tal-UE dwar l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (12) u d-Direttiva dwar it-trattament ugwali irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (13) huma essenzjalment strumenti legali għat-tfassil ta’ leġiżlazzjoni u prattiki fl-Istati Membri kontra d-diskriminazzjoni u favur l-integrazzjoni fix-xogħol.

7.9   Dan l-aħħar il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar id-Direttiva l-ġdida kontra d-diskriminazzjoni (14), li tikkomplementa d-direttivi diġà fis-seħħ. Il-KESE ressaq ukoll opinjoni li tappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni u tirrakkomanda li titqies id-diskriminazzjoni multipla. Malli din id-direttiva l-ġdida tiġi adottata, din se testendi l-prinċipju tannondiskriminazzjoni għal oqsma bħalma huma l-edukazzjoni, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali u d-djar.

7.10   Il-KESE huwa tal-fehma li d-direttivi kontra d-diskriminazzjoni ma ġewx trasposti sew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u b’hekk ċerti Stati Membri għad m’għandhomx liġijiet sodi kontra d-diskriminazzjoni. Malli tiġi adottata d-Direttiva l-ġdida, din se tkun strument leġiżlattiv pożittiv ħafna.

7.11   L-imsieħba soċjali, li huma l-atturi ewlenin fit-tħaddim tas-swieq tax-xogħol, u li huma l-bażi fundamentali tal-ħajja ekonomika u soċjali Ewropea, għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-integrazzjoni. Fil-kuntest tan-negozjar kollettiv, dawn għandhom jassumu r-responsabbiltà tagħhom fl-integrazzjoni tal-immigranti, jeliminaw id-diskriminazzjoni diretta jew indiretta mill-ftehimiet kollettivi u mil-liġijiet u l-prattiki tal-impjieg.

7.12   Fir-rigward tan-negozjar kollettiv, b’mod speċjali fil-kumpaniji, għandhom jitwaqqfu mekkaniżmi sabiex jiġi żgurat li l-aċċess għall-prattiki tal-impjieg u tar-reklutaġġ jikkonformaw mal-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali. F’dan ir-rigward, huwa ta’ importanza partikulari li jkun hemm strumenti li jistgħu jipprevjenu mhux biss id-diskriminazzjoni diretta iżda wkoll dik indiretta

7.13   Madankollu, fil-preżent it-trattament ugwali fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, fil-prattika, mhuwiex garantit għal ħafna ħaddiema immigranti. L-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet tax-xogħol għandhom jintroduċu arranġamenti għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, u għandhom ikunu proattivi fil-promozzjoni tal-ugwaljanza.

7.14   Qed jinħolqu żewġ tipi ta’ impjiegi fl-Ewropa: impjiegi ta’ kwalità għolja għall-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej u għall-immigranti bi kwalifiki għoljin, u impjiegi ta’ livell baxx għall-maġġoranza tal-immigranti. Għalhekk l-impjieg ta’ livell baxx huwa wkoll fattur ta’ diskriminazzjoni meta l-immigranti jintużaw bħala forza tax-xogħol għal xogħol “aktar vulnerabbli”.

7.15   Il-KESE ħeġġeġ f’għadd ta’ opinjonijiet li l-Istati Membri għandhom itejbu l-arranġamenti għar-rikonoxximent tal-kwalifiki (15), u li l-UE għandu jkollha sistema għar-rikonoxximent tal-kwalifiki li tkun tista’ tintuża mill-ħaddiema immigranti (16). Bosta immigranti qed jaħdmu f’kumpaniji Ewropej f’livelli iktar baxxi mill-kwalifiki tagħhom.

7.16   Bosta immigranti qed ibatu wkoll minn żvantaġġi u diskriminazzjoni fir-rigward ta’ żvilupp tal-karriera u l-promozzjoni. Il-liġijiet tax-xogħol, il-ftehimiet kollettivi u l-prattika tan-negozju għandhom iħaddnu l-prinċipju tal-opportunitajiet ugwali ta’ promozzjoni għall-ħaddiema. Hija r-responsabbiltà tal-imsieħba soċjali li jniedu inizjattivi ġodda f’dan ir-rigward.

7.17   It-taħriġ vokazzjonali huwa strument ta’ importanza kbira għat-titjib tal-kapaċità li l-ħaddiema immigranti jiġu impjegati, għalkemm ċerti liġijiet u prattiki nazzjonali jeskludu jew jillimitaw liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi. Il-KESE huwa tal-fehma li l-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba soċjali għandhom jiffaċilitaw l-aċċess tal-ħaddiema immigranti għat-taħriġ b’kundizzjonijiet ugwali.

7.18   Uħud mill-Istati Membri jikkooperaw man-negozji biex jipprovdu programmi ta’ taħriġ fil-pajjiżi ta’ oriġini qabel ma jingħata permess ta’ residenza, sabiex tingħata l-għajnuna liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi fl-integrazzjoni tagħhom fix-xogħol meta dawn jaslu fl-Ewropa.

7.19   L-Unjoni Ewropea għadha ma solvietx b’mod sodisfaċenti l-kwistjoni tal-possibbiltà li jiġu ttrasferiti d-drittijiet tal-pensjoni għall-ħaddiema Ewropej. Il-ħaddiema immigranti jesperjenzaw ukoll għadd ta’ problemi minħabba l-liġijiet nazzjonali li ma jissalvagwardjawx sew id-drittijiet tal-pensjoni miksuba meta jkunu qed jaħdmu fl-Ewropa. Ir-raġunijiet għal dan huma varji, u jiddependu mill-liġijiet u l-ftehimiet nazzjonali ma’ pajjiżi terzi.

7.20   Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea tieħu passi leġiżlattivi sabiex tagħmilha aktar faċli li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-pensjoni tal-ħaddiema immigranti fl-UE meta dawn jibdlu l-pajjiż ta’ residenza tagħhom fl-UE stess, meta jmorru lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew meta jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor.

7.21   It-trejdjunjins għandhom jilqgħu fosthom lill-ħaddiema immigranti u jgħinuhom jiksbu pożizzjonijiet rappreżentattivi u maniġerjali. Ħafna mit-trejdjunjins fl-Ewropa implimentaw l-aħjar prattiki sabiex jiggarantixxu t-trattament ugwali u biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni.

7.22   Il-KESE jemmen li huma meħtieġa politiki attivi u impenji ġodda min-naħa tal-imsieħba soċjali sabiex jiġu promossi attitudnijiet soċjali li jħeġġu l-integrazzjoni, it-trattament ugwali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol. Id-djalogu soċjali Ewropew jista’ jipprovdi qafas adegwat li jippermetti lill-imsieħba soċjali jieħdu impenji ġodda.

7.23   L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali investigat (17) id-diskriminazzjoni fix-xogħol fuq bażi etnika fis-swieq tax-xogħol Ewropej, u kkonfermat li hemm livell għoli ta’ diskriminazzjoni minkejja l-leġiżlazzjoni.

8.   Il-ġestjoni tad-diversità

8.1   Is-soċjetajiet Ewropej dejjem qed isiru iktar diversi, u din id-diversità se tiżdied fil-ġejjieni. L-immigranti ma jistgħux jintegraw sew fix-xogħol sakemm ma jkunx hemm viżjoni pożittiva tad-diversità kulturali, li dejjem qed tkun ta’ interess akbar għan-negozji u l-ħaddiema.

8.2   Il-kumpaniji l-kbar għandhom il-kultura ta’ negozju tagħhom stess li ħolqu matul iż-żmien fost il-ħaddiema tagħhom, fl-ambjent soċjali u fil-konnessjonijiet tagħhom mal-klijenti.

8.3   Il-kumpaniji Ewropej iwettqu n-negozju tagħhom fi bliet li dejjem qed isiru aktar diversi. Il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Fondazzjoni ta’ Dublin, permezz tan-netwerk CLIP (18), għaqqdu l-esperjenzi tagħhom bil-ħsieb li jkabbru d-diversità fl-impjiegi pubbliċi.

8.4   Id-diversità kulturali li ġejja mill-immigrazzjoni tippreżenta sfida ġdida li trid tiġi ffaċċjata jekk il-kultura tan-negozju trid titwessa’ sabiex tintegra ħaddiema ġodda fil-livelli kollha: fil-livell għoli u medju tal-ġestjoni u fil-bqija tal-forza tax-xogħol.

8.5   Il-globalizzazzjoni qed tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji biex joperaw f’ambjenti soċjali u kulturali ġodda, u fi swieq ġodda bi klijenti minn kulturi differenti.

8.6   Ħafna kumpaniji jirrikonoxxu l-valur tal-ġestjoni tad-diversità. L-avvanz matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin lejn ekonomija tas-servizzi tat iktar valur lill-kuntatt bejn il-kumpaniji u l-klijenti tagħhom; barra minn hekk, il-globalizzazzjoni ġiegħlet lin-negozji jfittxu swieq ġodda madwar id-dinja. Il-klijenti u l-utenti avviċinati mill-kumpaniji huma dejjem aktar diversi.

8.7   Il-ġestjoni effikaċi ta’ din id-diversità fi ħdan il-kumpaniji tippermetti li jiġu sfruttati aħjar il-ħiliet tal-ħaddiema kollha ta’ oriġini u kulturi diversi, u twassal għal relazzjonijiet esterni tal-kumpaniji aktar effettivi f’suq li huwa divers ukoll.

8.8   Il-kumpaniji li jimmaniġġjaw tajjeb id-diversità qegħdin f’pożizzjoni aħjar biex jisfruttaw “it-talenti” minn kwalunkwe post fid-dinja u biex jattiraw il-klijenti fis-swieq il-ġodda. Barra minn hekk, dawn jistgħu jkabbru l-kreattività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-impjegati tagħhom sakemm il-ħaddiema tagħhom kollha (inklużi dawk immigranti) jaħdmu fi klima li twassal għal dan.

8.9   In-negozji żgħar fl-Ewropa ta’ spiss ma jkollhomx dipartimenti ddedikati għall-ġestjoni tar-riżorsi umani. Għaldaqstant, dawn jeħtieġu l-appoġġ ta’ strutturi speċjalizzati pprovduti mill-awtoritajiet u mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.

8.10   Il-ġestjoni tad-diversità hija bbażata fuq l-applikazzjoni stretta ta’ miżuri għat-trattament ugwali u nnondiskriminazzjoni. Barra minn hekk, madankollu, din tinvolvi l-introduzzjoni ta’ programmi ta’ akkoljenza għall-ħaddiema immigranti, miżuri għar-rispett tad-differenzi kulturali, sistemi ta’ komunikazzjoni li jirriflettu d-diversità lingwistika; proċeduri ta’ medjazzjoni għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, eċċ.

8.11   Jeħtieġ li jkun hemm taħriġ għall-ġestjoni tad-diversità. It-taħriġ f’kumpanija jista’ japplika għal gruppi varji: il-maniġers ta’ livell għoli, il-maniġers ta’ livell medju, u l-forza tax-xogħol inġenerali, kif ukoll it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem.

8.12   Il-kumpaniji, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem kollha għandu jkollhom servizzi speċjalizzati ta’ ġestjoni tad-diversità sabiex jippromovu l-inizjattivi, jevalwaw ir-riżultati u jinkoraġġixxu l-bidla.

8.13   L-awtoritajiet pubbliċi ser ikunu mitluba jikkontribwixxu għall-ġestjoni tad-diversità fil-kumpaniji, inkluż permezz ta’ inċentivi ekonomiċi u fiskali bħala appoġġ għal negozji li jfasslu l-pjani ta’ diversità tagħhom, u jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattika, l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ taħriġ u l-kampanji ta’ promozzjoni.

9.   Id-diffikultajiet tal-integrazzjoni fl-ekonomija informali u l-immigrazzjoni irregolari

9.1   Il-ħaddiema immigranti irregolari “mingħajr dokumenti” huma obbligati jaħdmu fl-ekonomija u l-impjiegi informali, u dan iżid il-piż relattiv tagħhom f’dawk l-Istati Membri li għandhom l-akbar numru ta’ immigranti irregolari.

9.2   Ħafna drabi l-immigranti irregolari jkunu vittmi ta’ sfruttament fix-xogħol minn ċerti persuni li jħaddmu, u għandha tittieħed azzjoni legali kontrihom.Il-KESE adotta opinjoni (19) dwar il-proposta għal direttiva li tipproponi sanzjonijiet kontra dawk li jħaddmu li jisfruttaw lill-immigranti irregolari.

9.3   Il-ħaddiema nisa mingħajr dokumenti f’impjieg domestiku qegħdin f’pożizzjoni vulnerabbli ħafna, li f’ċerti każijiet twassal għal tip ta’ skjavitù. Ċerti liġijiet nazzjonali ma jiggarantixxux bis-sħiħ id-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali għal dan it-tip ta’ xogħol. Dawn il-problemi jkomplu jaggravaw għal nies li s-sitwazzjoni tagħhom hija rregolari u li jaħdmu fl-ekonomija s-sewda. Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni tniedi inizjattivi ġodda sabiex tiżgura protezzjoni aħjar tad-drittijiet tax-xogħol u tal-professjoni ta’ dawn il-ħaddiema nisa.

9.4   Dawn l-aħħar snin ċerti liġijiet nazzjonali kkriminalizzaw l-assoċjazzjonijiet umanitarji li jgħinu lill-persuni f’sitwazzjoni irregolari sabiex jevitaw l-esklużjoni soċjali tagħhom u jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom. Il-Kumitat javża li dawn il-liġijiet imorru kontra d-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju morali tas-solidarjetà. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija ta’ Vjenna għandhom jevalwaw dawn is-sitwazzjonijiet u jirrispondu bl-inizjattiva meħtieġa.

9.5   Peress li l-integrazzjoni soċjali hija aktar diffiċli meta l-immigranti jkunu jinsabu f’sitwazzjoni irregolari, il-Kumitat kien issuġġerixxa li jiġu introdotti proċeduri ta’ regolamentazzjoni individwalizzata għall-ħaddiema irregolari filwaqt li titqies l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Dan għandu jkun ibbażat fuq l-inizjattiva tal-Kunsill Ewropew fil-qafas tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil (20), fejn sar qbil li jintużaw regolarizzazzjonijiet każ b’każ skont il-liġi nazzjonali, għal raġunijiet umanitarji jew ekonomiċi, b’mod speċjali f’setturi ekonomiċi b’konċentrazzjonijiet għolja ta’ persuni f’sitwazzjoni irregolari.

10.   Xi inizjattivi tal-Programm ta’ Stokkolma

10.1   Il-Kummissjoni pproponiet li titwaqqaf pjattaforma Ewropea ta’ djalogu dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni tax-xogħol, li tiġbor flimkien lil min iħaddem, lit-trejdjunjins, lill-aġenziji tal-impjieg u partijiet interessati oħra.

10.2   Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni ssegwi l-istess proċedura bħal dik għat-twaqqif tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni, u li titlob opinjoni esploratorja tul l-2010. Il-Kumitat, b’kontribut mill-partijiet interessati kollha, imbagħad ikun jista’ jipproponi kif għandha titwaqqaf il-pjattaforma Ewropea, li se jkun jixtieq jikkoopera magħha.

10.3   Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-UE tadotta kodiċi tal-immigrazzjoni biex tiżgura lill-immigranti legali livell uniformi ta’ drittijiet li jkun kumparabbli ma’ dak taċ-ċittadini Ewropej. Din il-verżjoni kodifikata ta’ testi leġiżlattivi eżistenti ser tinkludi kwalunkwe emenda li tkun meħtieġa biex tissemplifika jew tispjega iktar id-dispożizzjonijiet eżistenti u ttejjeb l-implimentazzjoni tagħhom.

10.4   Il-KESE jemmen li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha timxi id f’id ma’ qafas komuni tad-drittijiet (status Ewropew) li jiżgura r-rispett u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-immigranti fl-Ewropa, irrispettivament mit-tip ta’ xogħol li jagħmlu jew mill-istatus legali tagħhom. Jekk id-direttiva qafas li qed tiġi diskussa fil-Kunsill tiġi adottata u tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni, din ser tirrappreżenta strument legali b’saħħtu għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-immigranti.

10.5   Il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippreżenta Kodiċi Ewropew dwar l-Immigrazzjoni, sakemm dan jieħu l-forma ta’ proposta leġiżlattiva li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali tal-immigranti u livell uniformi ta’ drittijiet kumparabbli ma’ dawk taċ-ċittadini Komunitarji.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 27, 3.2.2009; ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29;

ĠU C 80, 30.3.2004 (mhux disponibbli bil-Malti);

ĠU C 318, 23.12.2006 (mhux disponibbli bil-Malti);

ĠU C 125, 27.5.2002 (mhux disponibbli bil-Malti);

ĠU C 208, 3.9.2003 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Artikolu 79.

(3)  COM (2008) 758 finali.

(4)  COM (2009) 674 finali.

(5)  The Economic and Fiscal Impact of Immigrants, National Institute of Economic and Social Research, Ottubru 2007, u Coyuntura española – Los efectos de la inmigración sobre el empleo y los salarios, Informe Mensual de la Caixa, nru 295 (“Is-sitwazzjoni ekonomika attwali fi Spanja – l-effetti tal-immigrazzjoni fuq l-impjiegi u l-pagi”, Ir-rapport ta’ kull xahar tal-Bank La Caixa), Ottubru 2006.

(6)  Direttiva KE/2009/50.

(7)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 114.

(8)  COM (2007) 638 finali.

(9)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29.

(10)  ĠU C 318, 23.12.2006 (mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29.

(12)  Direttiva KE/2000/78.

(13)  Direttiva KE/2000/43.

(14)  P6_TA (2009) 0211.

(15)  Ara b’mod partikulari ĠU C 162, 25.6.2008, p. 90.

(16)  Ara, fost oħrajn, ĠU C 218, 11.9.2009.

(17)  Stħarriġ tal-EU-MIDIS dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea: Rapport dwar ir-Riżultati Ewlenin, L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 9.12.2009.

(18)  Cities for Local Integration Policy (CLIP – Bliet favur il-Politika tal-Integrazzjoni Lokali) – netwerk ta’ aktar minn 30 belt amministrati mill-Eurofound.

(19)  ĠU C 204, 9.8.2008.

(20)  Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 13440/08, 24 ta’ Settembru 2008.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Politika Ewropea tat-trasport fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010 u tal-Istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli (Opinjoni esploratorja)

2010/C 354/04

Relatur: is-Sur BUFFETAUT

F'ittra ddatata t-23 ta' Lulju 2009, il-Presidenza Spanjola tal-UE talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ifassal opinjoni esploratorja dwar:

“il-Politika Ewropea tat-trasport fil-qafas tal-Istrateġija ta' Lisbona wara l-2010 u tal-Istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli”.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-24 ta' Frar 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar is-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tas-17 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'152 vot favur, vot wieħed kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jenfasizza li l-kompetittività, l-affidabbiltà, l-effikaċja u l-profittabbiltà tat-trasport huma kundizzjoni tal-prosperità ekonomika tal-Ewropa u li l-moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija huwa waħda mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'hekk is-settur tat-trasport ser jintalab jikkontribwixxi b'mod sinifkanti għat-twettiq tal-objettivi tal-istrateġija 2010. Jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li s-settur tat-trasport b'mod ġenerali bata ħafna minħabba l-kriżi ekonomika attwali. Iżda huwa konxju tal-fatt li dan is-settur mhuwiex sostenibbli biżżejjed.

1.2   Jappoġġja l-isforzi li saru favur komodalità effikaċi u titjib tal-istabbiliment ta' netwerk tal-mezzi differenti tat-trasport, sabiex tinkiseb sistema tat-trasport integrata u fluwidità massima tal-mezzi ta' trasport. Madankollu, jenfasizza l-fatt li wieħed m'għandux jieqaf jippromovi t-trasferiment modali għax mingħajru l-mezzi ta' trasport mingħajr karbonju ma jiġux żviluppati u bil-kontra ta' dan, il-konġestjoni u l-emissjonijiet ikomplu jiżdiedu.

1.3   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jagħraf li s-settur tat-trasport jiddependi mill-enerġiji fossili u li dan għandu konsegwenzi fuq l-emissjonijiet u s-sigurtà u l-indipendenza tal-provvista. Il-Kumitat jaf ukoll li r-riżorsi, pereżempju ż-żejt, huma limitati. Għaldaqstant, jemmen li, filwaqt li tħares il-kompetittività tas-settur fil-qafas tal-Istrateġija 2020, il-politika Ewropea tat-trasport tal-ġejjieni għandha tindirizza erba' objettivi ewlenin: il-promozzjoni tal-mezzi ta' trasport b'emissjonijiet baxxi ta' CO2, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, is-sigurtà u l-indipendenza tal-provvista kif ukoll il-ġlieda kontra l-konġestjoni tat-traffiku.

1.4   L-isfidi ewlenin u l-implikazzjonijiet li għandhom jiġu integrati f'politika sostenibbli tat-trasport huma: l-urbanizzazzjoni dejjem tikber u d-domanda għall-kumdità fil-vjaġġi li jsiru kuljum, il-ħarsien tas-saħħa pubblika li jitlob tnaqqis tal-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu u tal-gassijiet b'effett ta' serra, iż-żamma ta' ekonomija tal-iskambji li tinkludi l-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet, id-definizzjoni ta' territorji omoġeni biex titfassal politika verament integrata tat-trasport, il-fehim tal-popolazzjoni u tal-imsieħba ekonomiċi u r-rieda tagħhom li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' politiki ġodda u għal imġiba ġdida fil-qasam tal-mobbiltà. Madankollu, huwa evidenti li jekk l-Unjoni Ewropea taġixxi waħidha, l-isforzi tagħha jkunu inutli. Il-bżonn ta' ftehim internazzjonali dwar it-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra huwa ovvju, kemm minħabba t-tibdil fil-klima kif ukoll għal raġunijiet marbutin mat-tnaqqis tar-riżorsi klassiċi tal-enerġija.

1.5   F'dan il-kuntest il-KESE jirrakkomanda li jittieħdu għadd ta' miżuri konkreti kemm mill-awtoritajiet lokali kif ukoll mill-Istati Membri, bl-appoġġ u t-tħeġġiġ tal-Unjoni Ewropea. Hemm diversi modi kif l-Unjoni Ewropea tista' tieħu azzjoni, kemm permezz ta' atti leġiżlattivi kif ukoll permezz tal-fondi ta' koeżjoni jew dawk tal-iżvilupp reġjonali, il-linji gwida l-ġodda tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport jew l-intervenzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Dawn il-miżuri, li huma marbutin mal-objettivi ewlenin imsemmija iktar 'il fuq, jistgħu jinkludu:

l-implimentazzjoni ta' pjan ambizzjuż ta' riċerka u żvilupp fil-qasam tal-mobbiltà u tat-trasport (ksib ta' vettura, karburanti, ġlieda kontra l-emissjonijiet, effiċjenza fl-użu tal-enerġija);

il-ħolqien ta' lok ta' skambju tal-prattiki tajbin fil-qasam tat-trasport urban u tat-trasport fuq distanzi twal;

l-iżvilupp taż-żoni tal-ipparkjar u tat-trasport pubbliku, b'mod partikolari bl-użu ta' karreġġjati speċjali għall-karozzi tal-linja, it-tramm u l-metro;

it-titjib tal-ICT (Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni) għall-effikaċja, l-affidabbiltà u s-sigurtà tat-trasport pubbliku;

il-ħolqien ta' servizzi għall-ġestjoni tal-mobbiltà f'żoni ġeografiċi estiżi biżżejjed, li jkunu inkarigati mit-titjib tal-konnessjoni tad-diversi mezzi ta' trasport u l-fluwidità tagħhom;

il-ħolqien ta' spazji ta' distribuzzjoni fil-qrib u ta' ċentru ta' distribuzzjoni urbana għall-qalba tal-belt;

iż-żamma tal-linji tal-ferrovija fil-bliet;

il-promozzjoni, permezz ta' miżuri fiskali, ta' mezzi ta' trasport u teknoloġiji iktar effikaċi mil-lat tal-enerġija u li jiġġeneraw inqas CO2 u sustanzi oħra li jniġġsu;

il-ħolqien ta' żoni ta' mistrieħ sikuri u komdi għas-sewwieqa tat-trakkijiet, u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ tagħhom;

l-implimentazzjoni rapida ta' netwerks ferrovjarji li jagħtu prijorità lit-trasport kummerċjali u lill-iżvilupp ta' kultura reali tas-servizz lill-klijenti f'dan il-qasam partikolari;

it-tħeġġiġ tal-użu ta' karozzi li jaħdmu b'karburanti alternattivi u bijokarburanti tat-tielet ġenerazzjoni, jekk ikun bżonn permezz ta' miżuri fiskali;

it-tnedija ta' pjan Ewropew għall-iżvilupp tal-vetturi elettriċi, li jgħin lill-Unjoni Ewropea tiddefinixxi jew tikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-istandards internazzjonali ta' settur ġdid;

l-iżvilupp tal-kunċett ta' “portijiet ħodor” u l-implimentazzjoni tal-awtostradi tal-baħar;

it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ tal-persuni li jaħdmu fuq l-ibħra;

l-iżvilupp ta' awtostradi tax-xmajjar u tax-xmajjar u l-ibħra kif ukoll braken iktar adatti għat-trasport ta' trailers u kontenituri;

il-konsiderazzjoni tar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà u tal-ħarsien tal-ambjent fl-għażla tal-infrastruttura tat-trasport;

l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tat-trasport għas-setturi kollha tat-trasport sabiex l-ebda mezz ta' trasport ma jiġi ppenalizzat mingħajr raġuni u sabiex jinxteħet dawl fuq il-prezz reali tat-trasport;

l-adozzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi organizzatriċi ta' objettivi realisti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u sustanzi oħra li jniġġsu u għas-sostenibbiltà fil-qasam tat-trasport lokali;

il-konsiderazzjoni ta' dawn l-objettivi fit-tfassil tas-sistemi tat-trasport pubbliku u fl-għażla tal-infrastruttura;

l-implimentazzjoni sistematika ta' studji tal-impatt sodi u realisti qabel l-implimentazzjoni tal-politiki u l-miżuri proposti.

1.6   Fil-prattika, l-isfida li għandha tiġi indirizzata fil-kuntest ta' politika ġdida tat-trasport hija li jitħares id-dinamiżmu tas-settur u l-kompetittività tiegħu, filwaqt li jinżamm l-għan ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u s-sustanzi l-oħra li jniġġsu, li jiġi ffaċilitat it-trasferiment modali, li jitnaqqsu d-distanzi u li jiġi promoss it-trasport “mingħajr fruntieri” u li iktar nies jiġu attrati lejn mezzi b'inqas emissjonijiet f'termini ta' km/passiġġier jew km/merkanzija.

1.7   Sabiex jintlaħaq dan l-għan, jeżistu diversi soluzzjonijiet sempliċi li jistgħu jkollhom konsegwenzi diretti, rapidi u tanġibbli bi spejjeż ikkontrollati: l-għażla tal-iktar karburanti ħodor u rinnovabbli possibbli, l-użu ta' bijogass iġġenerat mir-riċiklaġġ tal-iskart, l-użu mill-ġdid tal-ispazju eżistenti (pereżempju, iż-żoni ferrovjarji jew portwarji mitluqa) għas-servizzi tal-mobbiltà, it-titjib tal-punti ta' konnessjoni fejn diġà jeżistu, it-tagħqid flimkien tal-biljetti tat-trasport reġjonali u/jew urbani, l-iżvilupp tal-karreġġjati speċjali għall-karozzi tal-linja, it-tħeġġiġ tal-car sharing, it-titjib tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-operaturi ferrovjarji, eċċ.

1.8   Jeżistu wkoll soluzzjonijiet li jeħtieġu għażliet politiċi qawwijin b'konsegwenzi finanzjarji iktar qawwijin: il-ħolqien ta' żoni tal-ipparkjar fil-periferija fi ħdan skema li toffri alternattiva tajba ta' trasport pubbliku bejn iż-żona tal-ipparkjar u l-belt, l-implimentazzjoni ta' sistema ta' ċentralizzazzjoni tal-informazzjoni li tippermetti r-regolazzjoni tad-dħul u l-ħruġ tal-mezzi kollha ta' trasport f'żona preċiża, l-organizzazzjoni tal-iktar forma ta' urbanizzazzjoni adatta biex titnaqqas il-mobbiltà obbligata, l-investiment fit-tramms u l-metro, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni fil-prezz tat-trasport, l-iżvilupp tal-ICT bil-għan li tingħata informazzjoni affidabbli lill-partijiet involuti fil-katina tal-mobbiltà, il-kejl tal-effiċjenza tal-mezzi magħżula, l-implimentazzjoni ta' proċessi tal-enerġija rinnovabbli u l-irkupru u l-użu ta' din l-enerġija bl-aqwa mezz possibbli (elettriku għat-tramms, gass għal ċerti vetturi, eċċ.).

2.   Daħla

2.1   It-twettiq tas-suq uniku jeħtieġ sistema tat-trasport tal-persuni u tal-oġġetti effikaċi u affidabbli. Il-globalizzazzjoni tal-iskambji stess saret permezz tar-rivoluzzjoni tat-trasport kif ukoll tat-tbaxxija tal-prezzijiet, iż-żieda fl-għadd ta' operaturi, il-kompetizzjoni u l-infrastruttura.

2.2   It-trasport, li huwa neċessarju għall-ħajja ekonomika u professjonali, huwa wkoll essenzjali għall-ħajja personali u privata. Huwa kundizzjoni għall-iskambju, u l-libertà li wieħed imur minn post għal ieħor hija libertà fundamentali.

2.3   L-attivitajiet tat-trasport naturalment huma wkoll element essenzjali tal-ekonomija Ewropea. Jirrappreżentaw madwar 7 % tal-PDG u 5 % tal-impjiegi, u jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' 30 % tal-PDG tal-industrija u l-agrikoltura u 70 % tal-PDG tas-servizzi.

2.4   Ta' min jenfasizza li l-piż amministrattiv konsiderevoli tas-settur tat-trasport u l-fatt li dan jinbidel minn Stat Membru għal ieħor joħloq spejjeż moħbija inutli u barrieri għall-iskambji bejn il-komunitajiet. Dawn l-ispejjeż u l-piż amministrattiv huma partikolarment problematiċi għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju.

2.5   Għalkemm l-Unjoni Ewropea jistħoqqilha kull tfaħħir għall-effikaċja ekonomika u l-kompetittività tat-trasport tagħha, is-settur għad mhuwiex sostenibbli biżżejjed. Sistema tat-trasport sostenibbli għandha mhux biss tissodisfa d-diversi objettivi ekonomiċi tat-trasport iżda wkoll tirrispetta l-pilastru soċjali u dak ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli.

2.6   Il-kunċett tat-trasport sostenibbli fih innifsu jimplika li jridu jinħolqu l-kundizzjonijiet ta' tkabbir ekonomiku li fl-istess ħin jassiguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ikunu dinjitużi u li jintalbu l-kwalifiki meħtieġa biex din tkun attività soċjalment responsabbli li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent.

2.7   Minkejja l-progress li sar fil-qasam tal-motorizzazzjoni tal-vetturi u l-kwalità tal-karburant u l-impenji volontarji tal-manifatturi, is-settur tat-trasport għadu s-settur bl-ikbar żieda fil-gassijiet b'effett ta' serra.

2.8   Il-volum tat-trasport tal-merkanzija kompla jiżdied, iktar mill-PDG. Iżda għalkemm it-trasport tal-passiġġieri żdied b'medja ta' 1,7 % fis-sena bejn l-1995 u l-2007, dan baqa' taħt il-medja tat-tkabbir tal-PDG fl-istess perijodu (2,7 %).

2.9   It-trasferiment mit-triq lejn mezzi oħra ta' trasport, bħall-ferrovija u t-trasport bil-baħar baqa' limitat wara l-2001. Agħar minn hekk, kien hemm saħansitra traġġigħ lura għat-triq.

2.10   Is-settur jiddependi b'97 % mill-karburanti fossili, u dan għandu impatt negattiv kemm f'termini ambjentali kif ukoll ta' dipendenza enerġetika.

2.11   Għalhekk, politika fit-tul għandha żżomm l-effikaċja tat-trasport tagħna, ittejjeb l-impatt ambjentali u s-sigurtà tiegħu, iżżid il-komodalità, ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tippermetti l-investiment neċessarju.

2.12   Dan huwa iktar u iktar importanti fid-dawl tal-istudji tal-Kummissjoni li jipprevedu żieda qawwija fil-flussi tat-trasport fl-2020, sakemm ma tinqalibx it-tendenza:

żieda ta' 33 % fit-trasport intern tal-Ewropa tal-Punent;

żieda ta' 77 % fit-trasport intern tal-Ewropa tal-Lvant;

żieda ta' 68 % fit-trasport mill-Ewropa tal-Punent għall-Ewropa tal-Lvant;

żieda ta' 55 % fit-trasport mill-Ewropa tal-Lvant għall-Ewropa tal-Punent.

2.13   Jekk dawn il-previżjonijiet iseħħu, ser ikollna konġestjoni ġeneralizzata fil-punti prinċipali tal-komunikazzjoni. It-trasport żejjed ser jispiċċa biex joħnoq it-trasport. Għalhekk ser ikollna nagħmlu sforzi ta' riċerka u żvilupp konsiderevoli fit-tekniki tat-trasport (motorizzazzjoni, karburanti, effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ġlieda kontra t-tniġġis, eċċ.), fl-investiment fl-infastruttura, fit-titjib tal-komodalità, fir-riabilitazzjoni tat-trasport bil-ferrovija u fl-iżvilupp tat-trasport fuq l-ilmijiet u bil-baħar. Għandna bżonn Pjan Marshall ġenwin għat-teknoloġiji l-ġodda u l-investimenti fit-trasport sabiex nilħqu l-objettivi tal-Kummissjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju ġġenerati minn dan is-settur. Barra minn hekk, il-professjonisti tat-trasport żviluppaw il-kunċett tal-perfezzjonament tal-modalità (“optimodality”), jiġifieri titjib fil-prestazzjoni teknika, ekonomika u ambjentali tal-katini tat-trasport tal-merkanzija, u ħolqu netwerk dwar dan fl-Ewropa. L-objettiv għandu jkun li tinħall ir-rabta li hemm bejn it-tkabbir ekonomiku u l-effetti negattivi tat-trasport.

2.14   Il-kwistjoni tan-natura tat-trasport u tal-utilità soċjali u ekonomika tiegħu għandha tiġi indirizzata. Din il-mistoqsija tagħmel sens. Il-libertà li wieħed jiċċaqlaq minn post għal ieħor hija dritt fundamentali ta' persuna. Barra minn hekk, il-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi li fuqhom inbniet l-Unjoni Ewropea, kif ukoll tar-regoli tad-WTO. b'żieda ma' dan, min jista' jiddeċiedi liema mezzi ta' trasport huma utli u liema mhumiex? Iżda dan ifisser li l-mistoqsija hija bla skop? Le, għax jidher li llum hemm bżonn li titqies il-verità ekonomika tal-ispejjeż tat-trasport, jiġifieri li jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni ġġenerati minn kull tip ta' trasport u koperti mill-komunità, b'mod speċjali fil-qasam ambjentali iżda wkoll f'dawk tas-saħħa u s-sigurtà. Jekk naslu għal realtà ekonomika mtejba tat-trasport, u b'hekk għal spejjeż iktar realistiċi, ċerti flussi jkunu jistgħu jitnaqqsu billi jiġu ppreferuti l-flussi ta' prossimità.

3.   It-trasport bl-art

3.1   Illum, realistikament, l-enfasi hija pjuttost fuq il-komodalità, jiġifieri l-fatt li jittejjeb kull mezz ta' trasport u li tiġi promossa l-ikbar l-komplementarità u l-iktar interazzjoni effikaċi possibbli bejn id-diversi mezzi ta' trasport. 80 % tat-trasport bl-art isir fuq distanzi ta' inqas minn 100 km. Għalhekk tkun ħaġa tajba li tinstab soluzzjoni adatta għal din id-domanda li, minbarra bit-trasport bl-art, tista' wkoll tiġi ssodisfata permezz tat-trasport bil-ferrovija ta' prossimità; it-trasport fuq ix-xmajjar jew marittimu huwa inqas adatt għad-distanzi l-qosra. It-trasferiment modali għandu jitħeġġeġ meta jkun utli. Mingħajru l-Unjoni Ewropea mhux se tkun tista' tiżviluppa ekonomija tat-trasport b'emissjonijiet baxxi ta' CO2.

3.2   It-trasport urban u reġjonali

3.2.1

Dan il-mezz ta' trasport huwa soġġett għal xi fatturi partikolari. Fil-fatt, 40 % tal-emissjonijiet kollha tas-CO2 u 70 % tas-sustanzi li jniġġsu l-oħra jiġu mit-trasport tal-merkanzija bl-art. Barra minn hekk, il-konġestjoni urbana, minbarra l-effetti negattivi fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent, hija stmata li tiswa 2 % tal-PDG tal-Unjoni Ewropea. It-trasport pubbliku għandu jiġi żviluppat, iżda dan għandu jsir b'mod li jissodisfa ċerti kriterji, sabiex jirrispetta l-eżiġenzi ta' servizz ta' interess ġenerali u b'hekk jipprovdi alternattiva għall-karozza individwali: il-frekwenza, ir-rapidità, is-sigurtà, il-kumdità, l-aċċessibbiltà, spejjeż raġonevoli, l-interkonnessjoni u konnessjonijiet faċli. Permezz tiegħu jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali iżda wkoll dawk tal-koeżjoni soċjali bħall-ftuħ tal-periferija.

3.2.2

L-użu tat-trasport bl-elettriku huwa sostenibbli, iżda l-elettriku jrid jiġi prodott b'mod sostenibbli u jekk jista' jkun mingħajr emissjonijiet ta' CO2. Is-sistemi ta' car pooling jew car sharing għandhom jitħeġġu wkoll.

3.2.3

Hemm bżonn li tiġi implimentata politika konkreta ta' mobbiltà urbana sostenibbli. Din għandha tikkontribwixxi għal tnaqqis fl-użu tat-trasport individwali, eventwalment permezz tal-implimentazzjoni tal-pedaġġi urbani (ħlasijiet għall-użu ta' ċerti toroq), iżda fuq kollox permezz tat-titjib tal-kwalità u l-faċilità fl-użu tat-trasport pubbliku, li għalih jeħtieġ li jiġu żviluppati l-infrastrutturi u s-servizzi neċessarji għall-implimentazzjoni ta' intermodalità effikaċi. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tal-finanzi pubbliċi f'ħafna Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, dan jista' jiġi ffaċilitat f'ċerti każijiet permezz tal-iżvilupp ta' sħubijiet pubbliċi/privati għall-bini ta' infrastruttura ġdida bħall-karreġġjati tal-karozzi tal-linja, tat-tramms, tat-trolleybus jew tal-metro, linji tal-ferrovija reġjonali ġodda jew l-użu mill-ġdid tal-linji mitluqa, l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ddedikati lit-trasport, il-modernizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tas-sistema tal-biljetti, eċċ.

3.2.4

Fil-prattika, xi miżuri ta' sens komun bħall-iżvilupp ta' żoni ta' mistrieħ b'konnessjoni tajba maċ-ċentri tal-agglomerazzjoni, l-implimentazzjoni ta' karreġġjati speċjali għall-karozzi tal-linja jew l-użu mill-ġdid ta' linji ferrovjarji mwarrba jistgħu jwasslu għal progress reali bi spejjeż raġonevoli.

3.2.5

It-titjib tat-tekniki tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ser ikun għodda effikaċi għall-iżvilupp tal-intermodalità tat-trasport permezz ta' politika verament territorjali tal-ġestjoni tat-trasport. Dawn it-teknoloġiji jikkontribwixxu għal ġestjoni aħjar tat-traffiku u għandhom jgħinu sabiex jiġu implimentati sistemi ta' titjib tal-użu tal-enerġija għall-flussi tal-vetturi fin-netwerk tat-toroq. Jgħinu wkoll biex il-passiġġieri jirċievu informazzjoni f'ħin reali matul il-vjaġġ kollu, biex is-sistema tal-biljetti tiġi ssemplifikata u mtejba, u biex is-sistema ta' bbukkjar tintuża iktar faċilment. Permezz ta' dawn it-tekniki, il-passiġġier ikun jista' jtejjeb ir-rotta tiegħu, ikun jaf il-ħinijiet u l-frekwenza tat-trasport u saħansitra jagħmel stima tal-impatt enerġetiku tal-mezz ta' trasport li jkun għażel. b'hekk l-ICT iservu għas-sinerġija tal-mezzi ta' trasport, tal-użu tal-infrastruttura u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

3.2.6

Il-problemi tal-ġestjoni tas-sistemi tat-trasport ħafna drabi jmorru lil hinn mill-qafas tal-muniċipalità fiha nnifisha, u jikkonċernaw żona kbira madwar iċ-ċentru tal-belt. Fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet lokali, jistgħu jinħolqu servizzi ta' ġestjoni tal-mobbiltà f'żoni ġeografiċi kbar u koerenti, pereżempju fil-forma tas-sottokuntrattar ta' servizz pubbliku. Il-kompiti tal-entità inkarigata mill-ġestjoni tal-mobbiltà jkunu:

l-analiżi tal-mobbiltà fiż-żoni kkonċernati, bil-konsiderazzjoni tal-operaturi lokali, tal-flussi tal-vjaġġaturi, tal-kundizzjonijiet ġeografiċi u urbani, eċċ.;

it-titjib tal-offerta ta' mobbiltà u l-adattament għall-bżonnijiet identifikati;

is-servizzi trasversali li jiffaċilitaw l-intermodalità: informazzjoni, sistema tal-biljetti, sistema ta' biljetti elettroniċi, trasport skont it-talba tan-nies, trasport għall-persuni b'diżabilità, car sharing, eċċ.;

verifiki tal-ġestjoni tal-mobbiltà u tal-impatt ambjentali tagħha.

3.2.7

L-awtorità li torganizza naturalment ikollha l-libertà li tagħżel l-operaturi lokali, il-prezz, id-definizzjoni tal-politika tagħha tat-trasport, tal-ivvjaġġar u tal-użu tal-art. Għandha tiggarantixxi t-trasparenza fil-kuntratti, tiddefinixxi l-objettivi kuntrattwali li jorbtu lill-ġestjonarju u lill-awtoritajiet ikkonċernati, tistabbilixxi l-objettivi ta' kwalità tas-servizz, eċċ.

3.2.8

Il-KESE diġà ġibed l-attenzjoni għar-rwol determinanti tal-awtoritajiet lokali fl-organizzazzjoni tat-trasport pubbliku u tal-użu tal-art. Mingħajr dubju l-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu rwol x'jaqdi f'dan il-qasam, iżda l-Unjoni Ewropea tixtieq, bir-raġun, tippromovi l-iktar mudelli sostenibbli ta' trasport urban. Hija diġà allokat finanzjament fi ħdan il-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni kif ukoll tal-programm CIVITAS. Ikun preferibbli li l-UE ssaħħaħ l-iskambju tal-prattiki t-tajba fil-qasam tat-trasport urban, iżda wkoll li tiffinanzja r-riċerka fil-programm qafas li jmiss dwar l-interazzjoni bejn it-trasport u l-ippjanar urban.

3.3   It-trasport urban tal-merkanzija

3.3.1

Dan it-trasport joħloq ħafna traffiku. Pereżempju, f'Pariġi, jirrappreżenta 20 % tat-traffiku u 26 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. Għandha tittejjeb il-loġistika urbana u hemm bżonn jiġi promoss it-trasferiment modali lejn it-trasport bil-ferrovija jew fuq ix-xmajjar.

3.3.2

Dan jista' jinkludi:

kunsinna fi gruppi, bil-ħolqien ta' żoni ta' kunsinna ta' prossimità, żoni tal-ipparkjar u ta' manutenzjoni qrib l-istabbilimenti u l-intrapriżi;

ċentri ta' distribuzzjoni urbani, sabiex tiġi żgurata l-kunsinna fil-qalba tal-bliet, b'limitazzjoni ta' tunnellaġġ, l-obbligu li jintużaw il-pjattaformi ta' loġistika, titjib fil-mili tat-tank tal-karburant, l-użu ta' vetturi elettriċi;

sa fejn huwa possibbli, iż-żamma tal-intrapriżi ferrovjarji fil-bliet, b'garanzija ta' aċċess għall-operaturi kollha;

fil-bliet il-kbar maġenb ix-xmajjar, l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-portijiet tax-xmajjar.

3.4   It-trasport tal-merkanzija bit-triq

3.4.1

L-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bit-triq joħloq ċerti sfidi: żieda fl-emissjonijiet ta' CO2, dipendenza kbira tas-settur tat-trasport mill-karburanti fossili, il-bżonn li tittejjeb l-infrastruttura speċjalment fil-qasam tas-sigurtà, il-garanzija ta' kundizzjonijiet u ambjent tax-xogħol tajjeb għas-sewwieqa.

3.4.2

Fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2, jeħtieġ li tiġi żviluppata r-riċerka u l-iżvilupp sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet, b'mod speċjali billi jiġu żviluppati muturi ġodda kif ukoll l-enerġiji alternattivi. Il-promozzjoni, permezz ta' miżuri fiskali, ta' prodotti u/jew miżuri bbażati fuq mezzi ta' propulsjoni alternattivi u ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 tkun iktar effikaċi fi ħdan politika ta' riċerka ambizzjuża. f'dan ir-rigward, l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (1) għandha tiġi applikata għall-mezzi kollha ta' trasport b'mod bilanċjat.

3.4.3

L-iżvilupp ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi u l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni applikati għat-trasport tal-merkanzija bit-triq ser ikunu kruċjali biex jiġu indirizzati l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom dan is-settur, biex jitnaqqsu d-dipendenza enerġetika, l-emissjonijiet mill-vetturi u l-konġestjoni tan-netwerks. Ikun aħjar jekk jinħoloq qafas ċar sabiex jitnedew teknoloġiji ġodda, bil-ħolqien ta' standards miftuħin, li jiggarantixxu l-interoperabbiltà, u b'żieda tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp għal teknoloġiji li għadhom ma laħqux il-livell meħtieġ biex jitqiegħdu fis-suq. Dawn it-teknoloġiji għandhom ukoll jintużaw sabiex titnaqqas il-frekwenza tal-vjaġġi ta' vetturi vojta permezz ta' informazzjoni aħjar applikata għal-loġistika. Jistgħu jkunu ferm siewja biex itejbu s-sigurtà tat-trasport.

3.4.4

Jeħtieġ ukoll li jittejbu l-infrastrutturi, b'mod speċjali fil-qasam taż-żoni tal-ipparkjar u tal-istabbilimenti ta' mistrieħ mgħammra, siguri u sorveljati b'tali mod li jkunu protetti mis-serq u mid-delinkwenza, b'mod partikolari biex tiġi assigurata s-sigurtà tas-sewwieqa.

3.4.5

Għas-sewwieqa, jeħtieġ li l-professjoni tibqa' attraenti billi jiġu żgurati kundizzjonijiet u ambjent tax-xogħol favorevoli, bħal ħin ta' xogħol irregolat, ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ armonizzati li ma jibqgħux biss dispożizzjonijiet leġiżlattivi mingħajr applikazzjoni iżda li jiġu implimentati konkretament (2).

3.5   It-trasport bil-ferrovija

3.5.1

Filwaqt li t-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija qiegħed jitjieb, b'mod partikolari dak fuq distanzi twal permezz tal-linji ta' rapidità kbira, it-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija għadu limitat ferm: madwar 8 % tal-merkanzija ttrasportata. b'mod ġenerali, il-modernizzazzjoni u ż-żieda fil-kompetittività tal-ferroviji għandhom isiru bil-konsiderazzjoni assoluta tar-rekwiżiti tas-sigurtà u tal-kontinwità tas-servizz f'każ ta' maltemp.

3.5.2

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni rigward in-netwerks bi prijorità għat-trasport tal-merkanzija, iżda jemmen li għandha tinħoloq kultura ta' servizz lill-klijent, b'approċċ kummerċjali u kompetittiv. Il-ftuħ għall-kompetizzjoni għandu jiffaċilita din it-tranżizzjoni.

3.5.3

L-idea ta' netwerks bi prijorità għat-trasport tal-merkanzija tikkonsisti f'li jiġu ddefiniti ħinijiet u postijiet fejn il-ferroviji tal-merkanzija jgħaddu b'mod prijoritarju, mingħajr ħsara għaċ-ċirkolazzjoni tal-ferroviji tal-vjaġġaturi.

3.5.4

Ta' min jiftakar li diġà jeżistu xi eżempji ta' dan fl-Unjoni Ewropea. Ċerti linji tal-ferrovija kienu riżervati għat-trasport tal-merkanzija, bħal-linja ta' Betuwe bejn il-port ta' Rotterdam u l-Ġermanja. Eżempji ta' dan huma l-proġetti New Opera u Ferrmed.

3.5.5

L-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija huwa possibbli jekk jiġu rrispettati ċerti kundizzjonijiet:

li jiġi propost servizz ġenwin ta' loġistika iktar minn sempliċement servizz ta' trasport;

li jitbaxxew l-ispejjeż sabiex tiżdied il-kompetizzjoni;

li s-servizz propost ikun iktar affidabbli;

li l-ħinijiet ta' trasport mill-oriġini sad-destinazzjoni jkunu raġonevoli;

li l-offerta tkun iktar flessibbli u li r-rispons f'każ ta' perturbazzjoni tat-traffiku jkun iktar rapidu.

3.5.6

L-iżvilupp tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija jeħtieġ ukoll li jiġu żviluppati l-pjattaformi intermodali tat-trasport tat-trakkijiet bit-tren. f'dan ir-rigward, hija diġà ħaġa tajba li seta' jitnieda l-proġett bejn Lyon u Turin, iżda wara l-iżvilupp aleatorju tat-trasport bil-ferrovija/bit-triq, ikun tajjeb li issa jiġu promossi l-awtostradi ferrovjarji għat-trasport tat-trakkijiet bil-ferrovija (bħall-awtostrada Alpina jew il-linja Lorry Rail bejn Perpignan u l-Lussemburgu), kif ukoll l-awtostradi tal-baħar bħall-proġett Fraċiż-Spanjol Fres Mos bejn Nantes Saint Nazaire u Gijón.

3.6   Il-karozzi

3.6.1

Il-pakkett enerġija/klima jimponi ċerti obbligi kbar fuq il-manifatturi. Għandhom jiġu żviluppati karozzi ġodda li jaħdmu b'enerġija alternattiva, b'mod speċjali karozzi elettriċi jew ibridi. Huwa wkoll importanti li d-dibattitu dwar il-bijokarburanti jitkompla. Illum qegħdin jiġu żviluppati bijokarburanti tat-tielet ġenerazzjoni iktar effikaċi, b'mod speċjali dawk li jsiru mill-alka. Dan jevita l-konflitt mal-użu ta' art koltivabbli prevista għall-produzzjoni agrikola tal-prodotti tal-ikel.

3.6.2

Minbarra l-kwistjonijiet marbutin mat-tekniki disponibbli u l-vetturi mibjugħa fis-suq, hemm oqsma oħra ta' progress, b'mod partikolari fl-iffrankar tal-enerġija u tal-ispazju li llum il-ġurnata qiegħed jiġi okkupat mill-konġestjoni tal-karozzi. Eżempju ta' dan huma l-lezzjonijiet tas-sewqan b'użu mnaqqas tal-karburant implimentati f'ċerti intrapriżi u amministrazzjonijiet, prattiki ta' car pooling jew car sharing, u l-kera ta' vetturi elettriċi żgħar f'ċerti bliet.

3.7   Il-mixi u r-roti

3.7.1

Fil-bliet l-iżvilupp ta' dawn il-mezzi ta' ċaqliq għandu jitħeġġeġ. Madankollu dawn għandhom limiti topografiċi, ta' klima u anke ta' età tal-utenti. Iżda m'hemmx dubju li l-awtoritajiet lokali għandhom jiżviluppaw il-passaġġi sikuri għar-roti, billi wieħed mill-ostakoli għall-iżvilupp tal-użu tar-rota huwa l-perikolu potenzjali tal-karozzi.

4.   It-trasport marittimu

4.1   Parti kbira tal-kummerċ internazzjonali ssir bit-trasport marittimu. Dan is-settur qiegħed ibati minħabba l-kriżi u qiegħed jiffaċċja problemi ta' kapaċità eċċessiva. Jeħtieġ li jiġi evitat nuqqas ta' investiment u t-telf ta' kompetenza u ta' għarfien li jkollhom impatt negattiv ħafna fi żmien ir-rilanċ, iktar u iktar billi t-trasport marittimu Ewropew huwa l-ikbar wieħed fil-livell dinji, u għax ikun tajjeb li jinżammu kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusti u l-kompetittività tal-flotta Ewropea li tikkostitwixxi valur miżjud għall-Unjoni Ewropea.

4.2   Il-karburanti

4.2.1

Il-vapuri jużaw sottoprodotti tal-petrol li jniġġsu ħafna. Minbarra l-iżvilupp neċessarju tat-teknoloġija, ikun tajjeb li jinstab mod, flimkien mal-professjonisti tas-settur, kif jista' jiġi kkumpensat l-impatt ambjentali negattiv ta' dan. Jekk is-sistema ta' kwoti ta' CO2 mhijiex adatta, forsi hemm lok għal ekotaxxa? Din il-mistoqsija għandha tiġi diskussa fil-qafas tal-organizzazzjonijiet marittimi internazzjonali.

4.2.2

Il-Kumitat itenni l-appoġġ tiegħu għall-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp b'rabta mal-vapuri, il-karburanti u l-portijiet ħodor, u jinsisti fuq il-punt li l-awtostradi tal-baħar imsemmija fil-programm TEN għandhom jiġu implimentati.

4.3   Sigurtà

4.3.1

Qatt mhu ser inkunu nistgħu nevitaw għalkollox l-aċċidenti fuq il-baħar u n-nawfraġji, iżda għandu jsir dak kollu li jista' jsir sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġ, kemm mil-lat tal-bini tal-vapuri kif ukoll minn dak tal-manutenzjoni tagħhom. Id-dispożizzjonijiet Ewropej dwar is-sigurtà fuq il-baħar huma fost l-iktar kompleti fid-dinja. Mill-banda l-oħra, ir-rimi ta' idrokarburi fil-baħar għandu jiġi miġġieled b'mod determinat u sever.

4.4   Taħriġ

4.4.1

Sabiex jinżamm u jiġi żviluppat it-trasport marittimu Ewropew jeħtieġ li ż-żgħażagħ ikomplu jagħżlu karriera f'dan il-qasam u jkunu jixtiequ jibqgħu jaħdmu fis-settur. Tkun ħaġa tajba li tittejjeb il-kwalità tat-taħriġ tal-baħħara kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-ħajja fuq il-vapuri, kif ukoll li jissaħħu l-ekwipaġġi.

5.   It-trasport fuq ix-xmajjar

5.1   It-trasport fuq ix-xmajjar huwa ferm żviluppat fit-Tramuntana tal-Ewropa, iżda jista' jittejjeb f'pajjiżi oħra. Fuq l-eżempju ta' dak li sar fil-qasam marittimu, għandu jiġi indirizzat il-kunċett tal-awtostradi tax-xmajjar u dawk bejn ix-xmajjar u l-baħar, iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li dan it-trasport jikkonsma u jaħli enerġija tlieta jew erba' darbiet inqas enerġija mit-trasport bl-art. Dan il-kunċett innovattiv mhux se jkun jista' jiġi żviluppat ħlief permezz tal-użu ta' vapuri ġodda u ta' pjattaformi tal-portijiet u tal-loġistika.

5.2   Il-vapuri li jintużaw fuq ix-xmajjar u l-ibħra u l-braken tax-xmajjar huma l-fatturi ewlenin tal-ħolqien ta' servizzi ġodda għax-xmajjar, tal-effikaċja u l-profittabbiltà tagħhom, permezz tal-adattament tagħhom għat-traffiku f'termini ta' kapaċità u rapidità u għall-karatteristiċi tal-portijiet u tan-navigazzjoni. Jeħtieġ li jittejjeb id-daqs tal-vapuri u l-braken, sabiex ikunu jistgħu jinġarru t-trailers u l-kontenituri.

6.   It-trasport bl-ajru

6.1   Dan is-settur huwa responsabbli għal 3 % tas-CO2 preżenti fl-atmosfera. ta' min issemi l-fatt li ż-żieda fl-emissjonijiet kienet darbtejn inqas miż-żieda fit-traffiku mill-1990 lil hawn. It-trasport bl-ajru ser ikun soġġett għal sistema ta' skambju tal-kwoti u l-Kummissjoni qajmet il-problema tat-taxxa fuq il-kerosene, kif ukoll dik tal-VAT għat-trasport intra-Komunitarju.

6.2   L-iżvilupp tat-trasport bl-ajru ġie mil-liberalizzazzjoni tas-settur, kif ukoll mill-iżvilupp tal-kumpaniji “low cost”. L-istabbiliment ta' dawn il-kumpaniji ta' sikwit sar bl-għajnuna ta' sussidji pubbliċi. Għaldaqstant ikun xieraq li jiddaħħal l-obbligu li dawn il-kumpaniji jkollhom politika ta' kumpens għall-emissjonijiet.

6.3   Il-kwistjoni tas-sigurtà tat-trasport bl-ajru ovvjament hija essenzjali meta tiġi indirizzata l-politika tat-trasport bl-ajru. L-Unjoni Ewropea għandha tkun minn ta' quddiem fl-istabbiliment ta' sistema internazzjonli ta' sigurtà tat-trasport bl-ajru u għandha tieħu din il-pożizzjoni fil-konferenza internazzjonali tal-ICAO li ser issir Montreal.

6.4   Id-dħul fit-tieni fażi tal-pjan “sema uniku” wara l-2012 għandu jiġi ppreparat sewwa. Huwa importanti wkoll li jkun hemm ġestjoni tajba tan-negozjati diffiċli bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea fil-qasam tat-trasport bl-ajru.

7.   L-infrastruttura

7.1   Il-KESE dejjem appoġġja l-programm tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport. Itenni l-appoġġ tiegħu għal dan il-programm iżda huwa mħasseb dwar il-problemi ta' finanzjament u ta' dewmien.

7.2   L-Ewropa mkabbra għandha bżonnijiet ikbar fil-qasam tal-infrastruttura tat-trasport. L-għodda finanzjarji eżistenti għandhom jiġu adattati għalihom u għandhom ukoll jinħolqu strumenti ġodda. Għandhom jiġu studjati l-possibbiltajiet kollha sabiex tkun tista' tiġi stabbilita infrastruttura sostenibbli: l-assoċjazzjoni ta' finanzjamenti pubbliċi u privati, l-użu ta' riżorsi ġodda mhux baġitarji, eċċ.

7.3   Għandu jiġi enfasizzat li l-infrastruttura tat-trasport taqdi rwol kruċjali għall-iżvilupp soċjoekonomiku u l-koeżjoni reġjonali. Iżda l-infrastruttura tat-trasport hija wkoll il-bażi ta' sistema tat-trasport sostenibbli u li tirrispetta l-ambjent. Għalhekk l-għażla tat-tip ta' infrastruttura hija kruċjali. L-aċċessibbiltà tar-reġjuni u l-integrazzjoni tagħhom fin-netwerks nazzjonali u Ewropej għandhom jiġu ppjanati permezz tal-promozzjoni ta' infrastruttura sostenibbli u li tirrispetta l-ambjent.

7.4   Il-linji gwida l-ġodda għat-TEN-T li ser jiġu ppreżentati fil-bidu tal-2011 għandhom jirriflettu b'mod ċar l-għażla tal-Unjoni Ewropea li tagħti prijorità lill-mezzi ta' trasport b'emissjonijiet baxxi ta' CO2.

7.5   Il-KESE jtenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-programm GALILEO u jenfasizza l-bżonn li jiġi implimentat mingħajr iktar dewmien.

8.   L-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali

8.1   Kulħadd jaqbel dwar il-bżonn tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż ambjentali tat-trasport. Mingħajr din l-internalizzazzjoni, iċ-ċittadini jkollhom ikopru dawn l-ispejjeż minn buthom. Barra minn hekk, dan jista' jħeġġeġ imġiba ekonomika ħażina, billi jinġarru fuq distanzi twal ħafna prodotti li setgħu ġew forniti fuq distanza qasira.

Fil-fehma tal-KESE, l-aktar metodu effettiv għall-internalizzazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-impatt ambjentali huwa li jkun hemm taxxa fuq is-CO2. Dan ikun ta' inċentiv qawwi għall-kumpaniji biex isibu mezzi biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 li jipproduċu u l-impatt negattiv ta' dawn l-emissjonijiet fuq l-ambjent.

8.2   L-ekotikketta hija proċedura li ma tistax tiġi evitata, anke jekk id-dettalji tal-implimentazzjoni tagħha għad iridu jiġu studjati bir-reqqa. Dan il-prinċipju għandu jiġi kkunsidrat għat-trasport bl-ajru kif ukoll għat-trasport marittimu mill-entitajiet internazzjonali kompetenti (ICAO u IMO). Tkun ħaġa tajba li d-dibattitu dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva “Ekotikketta” jerġa' jitnieda, iżda l-prinċipju tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għandu jiġi applikat b'mod ġenerali għall-mezzi kollha ta' trasport.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Opinjoni tal-KESE 1947/2009 dwar Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li timmodifika d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas ta' taxxa mit-trakkijiet għall-użu ta' ċerta infrastruttura - għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU; ĠU C 317 23.12.2009, p. 80.

(2)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 89. ĠU C 27, 3.2.2009, p. 49. ĠU C 228, 22.9.2009, p. 78.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/30


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Bidliet industrijali u prospettivi tas-settur motoċiklistiku fl-Ewropa” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2010/C 354/05

Relatur: Is-Sur RANOCCHIARI

Korelatur: Is-Sur PESCI

Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Bidliet industrijali u prospettivi tas-settur motoċiklistiku fl-Ewropa

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Frar 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010 (seduta tat-18 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’140 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Is-settur motoċiklistiku huwa ta’ importanza konsiderevoli fl-UE f’termini ekonomiċi u għall-impjieg. Il-manifatturi jirrappreżentaw realtajiet differenti ħafna, minn operaturi fil-livell globali, attivi fil-fergħat kollha jew f’fergħat speċjalizzati ħafna, għal operaturi fil-livell nazzjonali, anki f’dak lokali, li kultant iqarrbu lejn l-artiġġjanat. Dan jikkaratterizza anki l-attivitajiet sussidjarji, bi preżenza qawwija ta’ SMEs (1).

1.2

Milquta mill-kriżi fl-aħħar trimestru tal-2008, it-tnaqqis fid-domanda ta bidu għal sensiela ta’ effetti negattivi fis-settur kollu bi tnaqqis qawwi f’termini strutturali u għall-impjieg (tnaqqis ta’ 31 % fid-domanda li rriżulta fi tnaqqis ta’ 35 % fil-bejgħ u ordnijiet, u f’impatt negattiv fuq l-impjiegi). Id-data proviżorja relattiva għas-sena 2009 tikkonferma x-xejra negattiva tas-suq, bi tnaqqis ta’ 21 % mill-2008 u ta’ 25 % mill-2007.

1.3

Il-KESE jibża’ li jekk mhux ser ikunu żviluppati, fl-iqsar żmien possibbli, politiki mmirati biex jappoġġjaw is-settur, jista’ jkun reġistrat telf sostanzjali ulterjuri ta’ postijiet tax-xogħol matul l-2010.

1.4

Il-KESE organizza seduta pubblika bħala parti mis-67 edizzjoni tal-Wirja Internazzjonali tal-Muturi (Milan, 12 ta’ Novembru 2009) fejn ġabar aktar stqarrijiet mill-manifatturi, il-produtturi tal-komponenti, it-trejdjunjins, l-utenti, l-NGOs u l-universitajiet. Din is-seduta kkonfermat b’mod sostanzjali l-fehmiet espressi fil-grupp ta’ studju.

1.5

F’dan il-kuntest, il-KESE:

a)

iqis neċessarji miżuri adegwati li jappoġġjaw id-domanda għall-muturi fl-Istati Membri, u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-applikazzjoni jew it-tiġdid tagħhom sa ċertu żmien, b’attenzjoni partikolari għall-vetturi bl-inqas impatt ambjentali u b’sikurezza avvanzata;

b)

jitlob lill-Kummissjoni, fil-preparazzjoni tal-proposta li ġejja għal regolament dwar il-muturi, biex tipproponi għanijiet fattibbli għas-settur, li jkunu gradwali, konformi mad-disinn, il-produzzjoni u s-suq, li jiggarantixxu flessibilità tas-soluzzjonijiet għall-industrija, li jkunu tal-inqas żieda fl-ispejjeż għall-konsumatur u jkunu jqisu s-sitwazzjoni attwali u d-diversità kbira tal-prodotti;

c)

iqis li biex ikunu żgurati kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd jeħtieġ li ssir iktar sorveljanza tal-approvazzjoni tat-tip (type approval) u tas-swieq, kif ukoll ir-reċiproċità fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u x-Xlokk tal-Ażja,

d)

jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa, mas-settur tal-muturi, approċċ simili għal CARS 21 (2) biex tappoġġja s-sħubija, il-kompetittività u l-impjiegi fis-settur;

e)

iqis illi l-FP7 jista’ jikkontribwixxi għal dawn l-għanijiet u jawgura l-ħolqien ta’ pjattaforma dedikata għall-industrija tal-muturi li tappoġġja lill-intrapriżi li jipproduċu fl-Ewropa u lil dawk li jinqdew bil-katina produttiva Ewropea;

f)

isejjaħ lill-industrija biex issegwi t-triq tar-ristrutturizzazzjoni, tal-għaqdiet u tal-akkwisti u li tiżviluppa aktar kooperazzjoni, anki mal-produtturi tal-komponenti, sabiex jiġu sfruttati bis-sħiħ is-sinerġiji kollha possibbli;

g)

huwa tal-fehma li huwa neċessarju li jiġi żviluppat “djalogu soċjali” sabiex jissaħħaħ l-impjieg fis-settur, jiġu stabbiliti standards Ewropej għat-tagħlim tul il-ħajja u l-ispeċjalizzazzjoni tal-ħaddiema, u fl-istess waqt isir sforz sabiex jitnaqqas l-impjieg mhux sikur;

h)

jitlob lill-Kummissjoni biex tiffoka fuq il-muturi fil-qafas tal-azzjonijiet previsti fil-pjan ta’ azzjoni għall-mobilità urbana minħabba l-kontribut li dan jista’ joffri, mingħajr l-ebda dubju, għall-kisba ta’ mobilità iktar sostenibbli.

2.   L-industrija tal-muturi fl-Ewropa

2.1

Is-settur tal-muturi għandu importanza konsiderevoli fl-UE f’termini ekonomiċi u tal-impjieg. Meta mqabbel mas-settur tal-karozzi (3), is-settur tal-muturi jippreżenta xi similaritajiet, iżda fuq kollox sensiela ta’ speċifiċitajiet minħabba li huwa iżgħar, għandu struttura iktar frammentat u l-produzzjoni hija iktar diversifikata.

2.2

Dan is-settur inbidel ħafna matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, hekk kif id-ditti storiċi Ewropej kellhom jiffaċċjaw kompetizzjoni dejjem tikber mill-Ġappun. Il-manifatturi Ġappuniżi, illum fost l-operaturi prinċipali tas-settur, żviluppaw attivitajiet produttivi direttament fl-UE. Matul iż-żmien, is-settur fl-Ewropa organizza ruħu mill-ġdid permezz ta’ ristrutturazzjonijiet, għaqdiet u akkwiżizzjonijiet u l-ħolqien ta’ gruppi industrijali ta’ daqs medju-kbir, li joperaw spalla ma’ spalla ma’ manifatturi speċjalizzati ta’ prodotti sussidjarji u għadd sostanzjali ta’ SMEs.

Illum il-manifatturi “tradizzjonali” Ewropej, Ġappuniżi u Amerikani jinsabu fuq quddiem fis-suq Ewropew, iżda mis-snin disgħin qed jiffaċċjaw kompetizzjoni dejjem tikber mill-ekonomiji emerġenti. F’termini ta’ vetturi manifatturati, l-UE għandha produzzjoni relattivament baxxa (1,4 miljun) meta mqabbla b’mod partikolari maċ-Ċina (‘il fuq minn 20 miljun), l-Indja (‘il fuq minn 8 miljuni) u t-Tajwan (1,5 miljun); iżda hija kkaratterizzata minn valur miżjud ikbar, innovazzjoni, kwalità u sikurezza.

2.3

L-Eurostat iqiegħed is-settur tal-muturi taħt il-kodiċi NACE 35.41. Id-data l-iktar aġġornata, dik tal-2006, turi li fil-livell tal-UE27 għas-settur tal-manifattura tal-muturi, hemm 870 intrapriża, u li 80 % minnhom jinsabu f’sitt Stati Membri (l-Italja, ir-Renju Unit, il-Germanja, Franza, Spanja u l-Awstrija). Il-bejgħ medju ta’ EUR 8 miljun jixhed l-għadd importanti ta’ SMEs, stmat li hu ta’ 650, jew aħjar, madwar 75 % tat-total.

2.4

90 % tal-produzzjoni Ewropea ssir minn madwar mitt manifattur ta’ daqs medju-kbir u medju-żgħir, li joperaw f’diversi pajjiżi tal-UE (apparti dawk diġà msemmija, fir-Repubblika Ċeka, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, is-Slovenja u l-Isvezja), kif ukoll in-Norveġja u l-Isvizzera. L-10 % l-oħra tal-produzzjoni Ewropea hija maqsuma bejn manifatturi ta’ daqs żgħir jew żgħir ħafna.

2.5

Il-manifatturi jirrappreżentaw realtajiet differenti ħafna, minn operaturi fil-livell globali, attivi b’mod ġenerali fil-fergħat kollha (muturi destinati għal użi diversi, ta’ diversi ċilindrati; scooters ta’ ċilindrati differenti; ċiklomuturi (mopeds/roti b’mutur li ma jaqbiżx il-50cc.); triċikli u kwadriċikli) jew f’fergħat speċjalizzati ħafna, sa operaturi fil-livell nazzjonali, anki dak lokali, li xi drabi jqarrbu lejn l-artiġġjanat minħabba d-daqs u l-proċess produttiv.

2.6

Ir-regoli tekniċi (approvazzjoni tat-tip Ewropea – European Type Approval) jistabbilixxu diversi kategoriji ta’ muturi, b’karatteristiċi differenti (ċilindrati, tip ta’ użu). Min-naħa tagħha, id-Direttiva Ewropea dwar il-liċenzji tas-sewqan, tistabbilixxi kundizzjonijiet differenti ta’ aċċess għall-muturi (ċiklomutur AM; mutur A1; mutur A2; mutur A). Dawn id-diviżjonijiet kumplessi jiffavorixxu l-frammentazzjoni tal-produzzjoni u jnaqqsu l-ekonomiji ta’ skala.

2.7

Il-frammentazzjoni fl-industrija tal-muturi parzjalment għandha oriġini storika, iżda tirriżulta prinċipalment min-natura stess tas-suq tal-muturi. Jekk is-segmenti l-iktar marbuta mal-mobilità utilitarja (b’mod partikolari dik urbana) bħalma huma l-iscooters, jippermettu sinerġiji produttivi ikbar, b’mod partikolari fir-rigward tal-muturi, il-fergħat marbuta mal-muturi jibbenefikaw inqas minn sinerġiji bħalma huma l-użu ta’ motorizzazzjoni u komponenti komuni fuq mudelli ta’ ditti differenti. Qabelxejn, jeżistu karatteristiċi dinamiċi differenti ħafna li jiddependu mid-daqs tal-vetturi, li magħhom jiżdiedu d-differenzi li ġejjin mill-użi speċjalistiċi tal-vetturi, u fl-aħħar nett l-aspettattivi differenti tal-utenti. F’ħafna każijiet teżisti identifikazzjoni qawwija tad-ditti differenti ma’ konfigurazzjonijiet speċifiċi tal-muturi (pereżempju, il-magna boxer tal-BMW, id-distribuzzjoni deżmodromika tad-Ducati, il-V-twin tal-Moto Guzzi, il-magna triċilindrika tat-Triumph) jew taċ-ċiklu, skont id-domanda li ġejja minn suq magħmul l-iktar minn dilettanti, fil-livell Ewropew u fis-swieq tal-esportazzjoni.

2.8

Il-vetturi huma manifatturati f’sensieliet żgħar u f’numri limitati, li jfisser inqas ritorn fuq il-kapital investit komparat mas-settur tal-karozzi. Din il-karatteristika tirrifletti ruħha parzjalment anki fuq is-setturi tal-komponenti u tad-distribuzzjoni.

2.9

Apoġġjat mis-suq tal-UE li ilu jikber mill-2002 (+22 % fil-perijodu 2002-2007), il-bejgħ li oriġina mill-produzzjoni ta’ muturi UE kien jammonta għal EUR 7 biljun fl-2006 minn total ta’ 34 biljun ta’ bejgħ mis-settur tal-muturi fl-Unjoni Ewropea. Huwa interessanti li wieħed jinnota li fil-perijodu 2004-2006, fl-UE kien hemm żieda ta’ 12 %, li hija ikbar f’termini perċentwali għal dik tas-settur tal-manifattura inġenerali u għal dik tas-settur tal-karozzi (li t-tnejn żdiedu bi 8 %), li kellha impatt pożittiv fuq l-impjiegi.

3.   Ir-rwol tal-industrija sussidjarja: il-manifattura tal-komponenti, id-distribuzzjoni u l-assistenza wara l-bejgħ

3.1

Il-frammentazzjoni għolja hija karatteristika li tiddistingwi anki s-settur tal-komponenti u tad-distribuzzjoni.

3.2

Il-komponenti jiġu parzjalment minn fornituri fis-settur tal-karozzi, li jaħdmu b’mod marġinali anki fis-settur tal-muturi (sistemi tal-fjuwil), iżda fuq kollox minn fornituri speċifiċi (roti, egżost, klaċċ,…) minħabba l-ispeċjalizzazzjoni involuta. In-numru ta’ fornituri tas-settur huwa stmat li jilħaq madwar 500. Dawn il-fornituri huma tradizzjonalment Ewropej (ikkonċentrati fl-Italja, Spanja, Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi). F’dawn l-aħħar snin żdiedet il-kompetizzjoni tal-fornituri Asjatiċi. Sabiex jiffaċċjaw din il-kompetizzjoni, xi fornituri Ewropej ittrasferixxew parti mill-attivitajiet tagħhom lejn l-Asja. Madankollu, il-manifatturi tal-komponenti Ewropej jiddependu esklussivament mill-ordnijiet li jaslulhom minn manifatturi Ewropej.

3.3

Ix-xibka tad-distribuzzjoni u tal-assistenza tirrispondi għall-ħtieġa tal-qrubija tagħha mal-mutur (b’mod partikulari għaċ-ċiklomuturi u scooters): fl-UE hemm madwar 37 000 punt ta’ bejgħ u assistenza wara l-bejgħ attivi, spiss immexxija minn negozji tal-familja. L-Italja, Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Spanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Greċja u l-Isvezja jirrappreżentaw 91 % tal-bejgħ mis-settur tad-distribuzzjoni u l-assistenza; dan il-bejgħ kiber b’5 % fil-perijodu 2004-2006.

4.   Impjiegi u aspetti soċjali

4.1

Fil-perijodu 2002-2007, l-impjiegi fis-settur tal-muturi żdiedu b’mod kostanti, u fl-2007 laħqu 150 000 fl-UE. Huwa interessanti li wieħed jinnota li fil-perijodu 2004-2006, fl-UE, iż-żieda fl-impjiegi fis-settur kienet ta’ 4 %, meta mqabbla ma’ tnaqqis ta’ 3 % fis-settur tal-manifattura inġenerali u ma’ tnaqqis ta’ 5 % fis-settur tal-karozzi. Din iż-żieda tixhed in-natura dinamika u l-innovazzjoni tas-settur, sostnuta f’dak il-perijodu minn domanda dejjem tikber għal vetturi marbuta kemm mal-mobilità urbana kif ukoll mad-divertiment.

4.2

25 000 minn dawn l-impjiegi huma marbuta direttament mal-produzzjoni ta’ muturi, u jinsabu prinċipalment fl-Italja, Spanja, Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Pajjiżi l-Baxxi. In-natura staġjonali tas-suq tal-muturi (ikkonċentrata fir-rebbiegħa u fis-sajf) tikkawża qċaċet ta’ produzzjoni f’xi perijodi tas-sena, li matulhom il-manifatturi jirrikorru anki għal ħaddiema staġjonali. Hemm domanda f’dan ir-rigward għal iktar flessibilità biex tiġi koperta d-domanda temporanja tas-suq.

4.3

20 000 minn dawn l-impjiegi huma marbuta mal-manifattura tal-komponenti, u jinsabu prinċipalment fl-Italja, Spanja, Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Ungerija.

4.4

105 000 minn dawn l-impjiegi huma marbuta mal-bejgħ u l-assistenza wara l-bejgħ. Minħabba n-natura tagħhom dawn jinsabu madwar l-UE kollha, anki jekk l-Italja, il-Ġermanja, Franza, ir-Renju Unit, Spanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Greċja, il-Belġju u l-Isvezja jħaddmu 92 % ta’ din il-forza tax-xogħol.

5.   Il-kuntest ekonomiku attwali u t-tendenzi internazzjonali

5.1

Id-data msemmija hawn fuq turi li s-settur tal-muturi kien dinamiku ħafna f’dawn l-aħħar snin b’suq Ewropew dejjem jikber li fl-2007 li kien ilaħħaq iktar minn 2,7 miljun vettura (huwa stmat li hemm 34 miljun vettura tiċċirkola fl-Ewropa). Madankollu, il-kriżi li laqtet lill-UE f’dawn l-aħħar sentejn ikkawżat tnaqqis ta’ 7,4 % fis-suq tal-UE fl-2008 meta imqabbel mal-2007. B’mod partikolari, ġie rreġistrat tnaqqis sinifikanti ta’ 34 % fl-aħħar trimestri tal-2008 mqabbel mal-istess perijodu tal-2007. Din it-tendenza negattiva rrepetiet ruħha fl-ewwel trimestru tal-2009, li matulu l-bejgħ ta’ muturi wassal biex jiġi rreġistrat tnaqqis ta’ 37 % mqabbel mal-istess perijodu tal-2008. Id-data li għadha proviżorja għall-2009 tikkonferma x-xejra negattiva tas-suq, bi tnaqqis totali ta’ 21 % mill-2008 u 25 % mill-2007.

5.2

L-effetti tal-kriżi jinħassu fis-settur kollu. Għall-manifatturi, it-tnaqqis fil-bejgħ, apparti li qed ikollu effett kbir fuq id-dħul, ġab miegħu tnaqqis fil-produzzjoni biex jiġu mmaniġġjati l-istokkijiet żejda. Dan it-tnaqqis, min-naħa tiegħu, ġab tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, twaqqif tal-produzzjoni u użu mnaqqas ta’ ħaddiema staġjonali, b’reviżjoni tal-pjanijiet tal-produzzjoni fil-medda qasira u medja taż-żmien. F’ċerti każijiet kien neċessarju tnaqqis permanenti tal-impjegati, sa 25 %. Xi wħud mill-manifatturi medji-żgħar daħlu fir-reġim tal-amministrazzjoni kontrollata mill-qorti u attwalment jinsabu għall-bejgħ, filwaqt li oħrajn saħansitra għalqu. Dawn l-iżviluppi jipprevedu ristrutturazzjonijiet oħra, anki jekk huwa diffiċli li jkunu previsti l-effetti tagħhom fuq il-fibra ekonomikasoċjali, f’termini ta’ possibilità ta’ rilokazzjonijiet ‘il barra mill-Ewropa.

5.3

Il-fornituri ta’ komponenti, quddiem it-tnaqqis fid-domanda minn naħa tal-manifatturi, ikollhom huma wkoll inaqqsu l-produzzjoni, bit-tnaqqis fl-impjiegi li dan iġib miegħu. Xi wħud kellhom jieqfu joperaw, u fl-istat attwali huwa stmat li madwar 10 % tal-fornituri tas-settur jinsabu fir-riskju li jfallu. Din is-sitwazzjoni tiġġenera iktar spejjeż anki għall-manifatturi, li jkollhom jagħmlu investimenti mhux mistennija biex jappoġġjaw il-fornituri tal-komponenti, jew biex isibu oħrajn, u saħansitra jkollhom jiżviluppaw forom ġodda għall-partijiet magħmula mill-aluminju jew il-plastik minħabba li l-provvista tagħhom ma tkunx iktar disponibbli. Attwalment l-ordnijiet u l-bejgħ qed isofru tnaqqis ta’ madwar 40 %. Mhijiex ħaġa kbira li biex jibqgħu kompetittivi ħafna mill-manifatturi jirrikorru għal fornituri mix-Xlokk tal-Asja.

5.4

Is-settur tad-distribuzzjoni u tal-assistenza wara l-bejgħ, anki minħabba d-daqs iżgħar tal-intrapriżi (SMEs u negozji mmexxija minn tal-familja), bħalissa qed jintlaqat mill-kriżi u minn tnaqqis fl-attività. Pereżempju, fi Spanja fl-2008, ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 25 % fil-punti tal-bejgħ, li rriżulta f’aktar minn 6 000 sensja. Jekk din it-tendenza ma tinbidilx, huwa previst illi bejn l-2009 u l-2010, fi Spanja, ser jagħlqu madwar 25 % tal-intrapriżi u n-negozjanti, u 60 % tal-aġenti. L-effetti tal-kriżi fuq ix-xibka tad-distribuzzjoni tiġġenera iktar spejjeż anki għall-manifatturi, li jkollhom jappoġġjaw ix-xibka, b’mod li jżommu l-opportunitajiet miftuħa għall-prodotti biex ikunu jistgħu jisfruttaw l-irkupru ekonomiku malli dan iseħħ.

5.5

Il-KESE jibża’ li jekk ma jiġux żviluppati politiki mmirati mill-iktar fis possibbli biex jappoġġjaw is-settur, jista’ jkun hemm telf sostanzjali ulterjuri ta’ impjiegi fl-2010. Barra minn hekk, sabiex jinżamm il-livell tal-impjieg fis-settur, jeħtieġ li jiġi żviluppat “djalogu soċjali” li jinkoraġġixxi t-tagħlim tul il-ħajja u l-ispeċjalizzazzjoni tal-ħaddiema, inkluż fil-livell universitarju, waqt li fl-istess ħin isir sforz biex jitnaqqas l-impjieg mhux sikur.

5.6

Il-miżuri ta’ appoġġ fuq medda medja ta’ żmien sabiex isaħħu d-domanda għall-muturi sa issa kienu iżolati u insuffiċjenti. Għall-kuntrarju tas-settur tal-karozzi, fl-Ewropa kienet biss l-Italja li tat inċentivi għall-iskrappjar, li l-effetti tagħhom kienu pożittivi għas-suq Taljan u rriflettew fuq l-Ewropa, apparti li ffavorew l-irtirar miċ-ċirkolazzjoni tal-vetturi l-aktar li jniġġsu. L-Italja għaddiet minn sitwazzjoni inizjali tal-ewwel xahrejn tal-2009 ta’ tnaqqis fis-suq ta’ madwar 35 % għal sitwazzjoni pożittiva fir-rigward tal-iscooters ta’ ċilindrata baxxa, li bbenifikaw mill-kontribut ta’ EUR 500 għall-iskreppjar ta’ vetturi li skadew; filwaqt li baqgħu sejrin ħażin il-muturi u ċ-ċiklomuturi bi tnaqqis totali jisboq 20 %. Spanja, anki jekk wara xhur ta’ avviżi, f’Lulju approvat inċentivi għall-iskreppjar tal-muturi, għadha m’għaddietx għall-applikazzjoni tagħhom, b’mod li kompliet iżżid l-atteġġjament ta’ stennija minn naħa tal-konsumatur u b’hekk kompla jonqos ix-xiri (minn Jannar sa Awwissu 2009, ġie rreġistrat tnaqqis ta’ 52 % fiċ-ċiklomuturi u ta’ 43 % fil-muturi meta mqabbel mal-istess perijodu fl-2008). Dan l-eżempju juri l-importanza ċara ta’ qafas regolatorju Ewropew li jinkoraġġixxi l-istabilità fis-swieq nazzjonali sabiex il-fiduċja tal-konsumatur tikber.

5.7

Il-miżuri ta’ appoġġ għad-domanda huma ċertament vantaġġjużi għall-utenti, iżda mhux bilfors isolvu l-problema tal-manifatturi tal-komponenti jew tas-settur tal-muturi Ewropew. Fl-Italja, pereżempju, il-kontribut fiss ta’ EUR 500 ffavorixxa b’mod esponenzjali l-iscooters iż-żgħar ta’ 125 u 150cc impurtati mit-Tajwan u mibjugħa bi prezzijiet bejn EUR 1 500 u EUR 2 000 u fuq skala iżgħar il-produzzjoni Ewropea bi prezzijiet ogħla, filwaqt li ma għenx biex tinżamm id-domanda għall-muturi intermedji bi prezzijiet bejn EUR 6 000 u EUR 8 000. Il-manifatturi tal-komponenti Ewropej ma ħadu l-ebda benefiċċju minħabba li ma jfornux lill-manifatturi Asjatiċi. Sabiex jiġi żgurat benefiċċju għas-settur kollu kemm hu, jidher li huma meħtieġa miżuri ta’ appoġġ għad-domanda bil-għan li jassiguraw kontribut li jikber b’mod parallel maż-żieda fil-prezz tal-vetturi inċentivati, b’mod partikolari għal dawk karatterizzati minn soluzzjonijiet avvanzati f’dak li huwa impatt ambjentali mnaqqas u sistemi ta’ sikurezza avvanzati.

5.8

Huwa urġenti li jkun faċilitat l-aċċess għall-finanzjamenti għall-intrapriżi tal-UE li joperaw fis-settur, b’mod li jkunu jistgħu imantnu l-ispejjeż addizzjonali ġġenerati mill-kriżi, u jkomplu jinvestu fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (il-manifatturi tal-muturi u tal-komponenti flimkien); dan sabiex jibqgħu kompetittivi billi jimmiraw għall-kwalità u l-innovazzjoni u biex jiġu prodotti vetturi dejjem aktar ekoloġiċi u sikuri.

6.   Prospetti futuri għas-settur: sfidi u opportunitajiet

6.1

Jekk ir-riżultati negattivi tal-ewwel semestru jikkonfermaw ruħhom b’mod globali fl-2009, is-settur kollu se jsofri, tnaqqis fil-kapaċità tiegħu ta’ kreditu mill-banek fl-2010. Anki f’każ ta’ rkupru imminenti, il-kapaċitajiet ta’ investiment u ta’ Riċerka u Żvilupp jonqsu b’effetti negattivi fiż-żmien medju u għaldaqstant l-intrapriżi jkunu inqas sikuri, possibbilment b’iżjed riperkussjonijiet fuq l-impjieg.

6.2

F’dawn l-aħħar għaxar snin, mill-introduzzjoni fl-1999 tal-istandard Euro 1 ma’ dawk applikati attwalment, is-settur naqqas sostanzjalment l-emissjonijiet ta’ tniġġis b’madwar 90 % fir-rigward tas-CO u l-HC, u b’iktar minn 50 % tal-NOx. F’dak li jirrigwarda t-tnaqqis tat-tniġġis akustiku, intlaħqu riżultati inkoraġġanti; is-settur fit-totalità tiegħu huwa attwalment impenjat (inklużi l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi) bil-għan li jinkiseb aktar titjib, li jista’ jinkiseb fit-triq permezz tal-użu esklussiv ta’ emissjonijiet tal-eġżost approvati u sewqan iktar ekoloġiċi. Għal dak li jirrigwarda s-sikurezza, is-settur ta prova ta’ innovazzjoni b’sensiela ta’ sistemi avvanzati ta’ bbrejkjar li qed tinxtered progressivament fuq it-tipi differenti ta’ muturi, inklużi vetturi ta’ kunċetti ġodda bħalma huma t-triċikli u l-kwadriċikli.

6.3

Il-Kummissjoni qed tipprepara proposta għal regolament dwar il-muturi, li mistennija toħroġ fl-ewwel xhur tal-2010. Anki jekk hu neċessarju li jkompli jsir progress fit-tema ambjentali u tas-sikurezza, fil-kuntest ekonomiku attwali huwa fundamentali li jiġu evitati bidliet drastiċi u li jitqiesu l-kapaċitajiet reali tas-settur u tad-daqs tal-operaturi tiegħu. F’dak li jirrigwarda l-istandards Euro l-ġodda, huwa neċessarju li jkunu proposti objettivi fattibbli mis-settur, b’applikazzjoni gradwali li tirrispetta l-iskadenzi imposti mill-proġettazzjoni, il-manifattura u s-suq. Fir-regolament, għandha tiffavorixxi approċċ li jippermetti lis-settur li jisfrutta l-kapaċità tiegħu fl-innovazzjoni, li jiggarantilu ammont ta’ flessibilità li tqis is-sitwazzjoni u d-diversità kbira tal-prodotti (minħabba l-karatteristiċi tekniċi u s-suq), b’mod partikolari għat-tixrid tas-sistemi avvanzati tal-ibbrejkjar. Għal dan il-għan, l-industrija diġà ressqet lill-Kummissjoni proposti dwar aspetti ambjentali u ta’ sigurtà.

6.4

Il-manifatturi “tradizzjonali” huma esposti, u ser ikunu esposti dejjem iktar, speċjalment fil-kuntest ekonomiku attwali, għal kompetizzjoni “low cost/low quality” (prezz baxx/kwalità baxxa) li tiġi b’mod partikolari mix-Xlokk tal-Asja, partikolarment f’dawk li huma muturi ta’ ċilindrata żgħira u medja, li l-marġnijiet fuqhom huma mnaqqsa. Minn stħarriġ li sar jirriżulta li dawn il-prodotti importati spiss ma jkunux konformi mal-istandards Ewropej, u b’hekk jippreżentaw riskji għas-sikurezza tal-konsumatur u għall-ambjent. Testijiet li saru fuq kampjuni ta’ muturi Ċiniżi importati fl-UE sabu li kien hemm każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità bħad-distanza li fiha l-mutur jibbrejkja ta’ 35 % iktar milli suppost, u emissjonijiet li jniġġsu għoxrin darba iktar mil-livell approvat mill-UE. Hemm anki problemi marbuta mal-kontrafazzjoni ta’ vetturi jew ta’ partijiet ta’ vetturi ta’ produzzjoni Ewropea min-naħa ta’ manifatturi mill-ekonomiji emerġenti, kif ukoll il-falsifikar ta’ ċertifikati ta’ konformità minn kumpaniji kummerċjali li jimportaw fl-UE vetturi li ma jikkonformawx. F’faxxa tas-suq tal-UE li hija sensittiva ħafna għall-prezz, sabiex tkun żgurata kompetizzjoni leali, hija meħtieġa iktar sorveljanza fuq l-approvazzjoni tat-tip (type approval) u s-swieq, b’kontrolli bir-reqqa tal-“konformità tal-produzzjoni” minn l-awtoritajiet kompetenti u/jew servizzi ta’ kontroll tekniku fuq il-vetturi offruti għall-bejgħ bl-iskop li tiġi vverifikata l-konformità tagħhom mat-tip approvat u r-rispett tal-proprjetà intellettwali.

6.5

Mill-banda l-oħra, il-manifatturi “tradizzjonali” huma ppremjati mill-konsumatur għad-disinn, il-kwalitajiet tal-prodotti u l-grad tagħhom ta’ innovazzjoni u ta’ sigurtà. Dan huwa minnu għall-vetturi tal-ogħla kwalità b’ċilindrata żgħira u medja, u b’mod partikolari għall-vetturi b’ċilindrata għolja, b’valur miżjud għoli, li jiddistingwu ruħhom għas-soluzzjonijiet tekniċi adottati fuqhom u fejn id-ditta hija importanti. Dawn il-prodotti l-iktar li jsofru fil-kuntest ekonomiku attwali. Firxa akbar ta’ vetturi teknoloġikament avvanzati, bħal pereżempju l-vetturi ibridi u elettriċi li bdew jitfaċċaw fis-suq, se tkun tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-appoġġ tas-settur pubbliku u għalhekk mill-kapaċità li tiġi ssuperata l-kriżi attwali.

6.6

Il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles jitolbu attenzjoni partikolari, sabiex tiġi żgurata l-liberalizzazzjoni tad-dazji tad-dwana bejn l-UE u l-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja li tibbenefika ż-żewġ partijiet, u jiġu eliminati wkoll l-ostakoli mhux tariffarji (pereżempju, il-projbizzjoni taċ-ċirkolazzjoni fiċ-Ċina ta’ muturi ta’ ċilindrata li teċċedi l-250cc) li jikkostitwixxu problemi serji għall-esportaturi Ewropej.

6.7

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi attwali, kif diġà seħħ fil-passat, il-manifatturi Ewropej iridu jkomplu jsegwu t-triq tar-ristrutturizzazzjoni, tal-għaqdiet u tal-akkwisti, u jiżviluppaw aktar kooperazzjoni li twassal għall-isfruttar tas-sinerġiji possibbli.

6.8

Is-sopravivenza tal-fornituri tal-komponenti Ewropej hija essenzjali sabiex tinżamm l-ispeċifiċità tal-produzzjoni distinta Ewropea, li hija rikonoxxuta mill-utenti bħala waħda esklussiv. Għaldaqstant, jeħtieġ li jkun evitat li jirrepeti ruħu dak li seħħ, pereżempju, fis-settur tar-roti, fejn rajna l-għajbien tal-fornituri tal-komponenti importanti, bħax-“chassis”, bir-riżultat li llum l-Ewropa hija dipendenti miċ-Ċina sabiex tkun tista’ tarma r-roti.

6.9

Il-fornituri tal-komponenti Ewropej mhumiex f’qagħda li jiffaċċjaw il-kompetizzjoni fuq il-prezz u għandhom bilfors jimmiraw għall-innovazzjoni, l-iżvilupp tad-disinn flimkien mal-manifatturi sabiex jilħqu ekonomiji ta’ skala – fejn ikun possibbli – u għas-sħubija effikaċi li tiggarantixxi l-fluss ta’ ordnijiet bejn il-manifatturi u l-fornituri għall-prodotti tal-ogħla livell.

6.10

Approċċ simili għall-CARS 21, speċifiku għas-settur motoċiklistiku fit-totalità tiegħu, huwa mixtieq sabiex jiġu ffaċċjati aħjar dawn l-isfidi, u jinżammu l-kompetittività tas-settur u l-impjiegi.

6.11

Il-fondi għar-riċerka fl-FP7 jistgħu jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet, b’mod li jipprivileġġjaw lill-kumpaniji li jipproduċu fl-Ewropa u li jinqdew bil-prodotti sussidjarji Ewropej. Għal dan il-għan, pjattaforma ta’ riċerka ddedikata għas-settur motoċiklistiku tista’ tagħti kontribut fundamentali – b’mod partikulari għall-SMEs – permezz tal-parteċipazzjoni f’konsorzji sabiex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet tar-riċerka, kif jiġri fis-settur tal-karozzi.

6.12

Il-Kummissjoni dan l-aħħar ippreżentat pjan ta’ azzjoni għall-mobilità urbana u fost id-diversi objettivi hemm dak li t-traffiku jkun aktar mexxej, karatteristika inerenti tal-mutur. Is-settur motoċiklistiku sar vulnerabbli bil-kriżi, iżda ser jibbenefika fuq perijodu twil ta’ żmien mill-bżonnijiet dejjem jikbru ta’ vetturi alternattivi b’emissjonijiet baxxi għal mobilità iktar sostenibbli, b’mod partikolari fil-bliet, sakemm id-diffikultajiet ekonomiċi attwali jiġu ssuperati fil-perijodu medju mingħajr danni irrimedjabbli.

Brussell, 18 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Lista tal-manifatturi u informazzjoni oħra dwar il-qasam tal-muturi hija disponibbli fuq is-sit tal-Internet tas-CCMI: http://www.eesc.europa.eu/sections/ccmi/opinions_reports/total_list/index_en.asp#PTW

(2)  Qafas Regolatorju Kompetittiv Ewropew tal-Karozzi għas-Seklu 21 (Grupp ta’ livell għoli CARS21 fis-2007).

(3)  Ara r-rapport ta’ informazzjoni tas-CCMI dwar it-tema “Is-settur tal-karozzi fl-Ewropa: is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi”, adottat mis-CCMI fit-13 ta’ Novembru 2007.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/35


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-riforma tal-PAK fl-2013” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2010/C 354/06

Relatur: is-Sur RIBBE

Nhar is-16 ta' Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar:

Ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni fl-2013.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta' Frar 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tat-18 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’163 vot favur, 5 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar il-qabża dejjem tikber li hemm bejn, minn naħa waħda, id-diskorsi li jsiru dwar il-mudell agrikolu Ewropew u dwar l-approċċ multifunzjonali u, min-naħa l-oħra, ir-realtà tal-ħajja ta' kuljum tal-bdiewa. Għalhekk, il-mudell agrikolu Ewropew, li issa jinsab aktar minn qatt qabel mhedded mill-iżviluppi attwali, għandu jiġi appoġġjat u promoss b’mod iktar determinat u mmirat permezz ta' Politika Agrikola Komuni b’saħħitha.

1.2   Minħabba s-swieq, u ħafna drabi minħabba li l-prezzijiet jitilgħu u jinżlu ftit jew ħafna, il-bdiewa jsibu ruħhom esposti għal pressjoni kbira li jadattaw billi jispeċjalizzaw jew jirrazzjonalizzaw fil-qasam tagħhom. Dawn il-proċessi jistgħu jwasslu għal konċentrazzjoni reġjonali problematika u għall-abbandun tal-agrikoltura fiż-żoni żvantaġġati. Fid-dawl ta' din il-pressjoni ta' adattament, il-KESE jemmen li hemm bżonn urġenti li permezz tal-Politika Agrikola Komuni jiġu promossi, fil-futur, iż-żamma u l-iżvilupp tal-agrikoltura multifunzjonali fit-territorju kollu, agrikoltura li tkun iggwidata mill-objettivi tas-sostenibbiltà.

1.3   Il-Kumitat huwa ċar fuq punt wieħed: mhuwiex biżżejjed li tingħata attenzjoni esklużiva lit-tħeġġiġ tal-kompettività bil-ħsieb li jservi s-suq dinji. Il-PAK ta' wara l-2013 għandha tkun iggwidata mhux minn produzzjoni speċjalizzata bl-aktar prezzijiet baxxi, ikkonċentrata f’reġjuni speċifiċi u mmirata esklużivament lejn l-akbar rendiment ekonomiku possibbli, iżda mill-mudell agrikolu Ewropew, li għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji tas-sovranità tal-ikel, is-sostenibbiltà u l-ħtiġijiet ġenwini tal-bdiewa u l-konsumaturi.

1.4   Dan jirrikjedi parametri differenti għall-politika agrikola, għaliex l-agrikolutura multifunazjonali mixtieqa ma tistax tinkiseb bil-kundizzjonijiet u l-prezzijiet tas-suq dinji.

1.5   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex, qabel ma jindirizzaw il-kwistjoni tal-finanzjament, jibdew billi jfasslu bl-aktar mod ċar l-għan preċiż tal-PAK u jkomplu billi jindikaw il-finanzjamenti u l-għodod meħtieġa biex dan l-għan jintlaħaq. Il-Kumitat iħoss li huwa ħażin li l-ewwel tiġi allokata somma speċifika għal qasam ta' attività speċifiku u li mbagħad din is-somma tinqasam bejn il-miżuri speċifiċi u bejn l-Istati Membri individwali.

1.6   Skont it-Trattati tal-UE, wieħed mill-għanijiet tal-PAK huwa l-istabbilizzazzjoni tas-suq. Is-swieq stabbli huma importanti. Għalhekk il-KESE jemmen li huwa importanti li anke fil-futur jintużaw strumenti tas-suq sabiex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet u jiġu evitati varjazzjonijiet kbar wisq fil-prezzijiet. Madankollu, il-miżuri maħsuba biex jirregolaw is-swieq jew jissalvagwardjaw il-prezzijiet tal-produtturi tnaqqsu għal livell minimu u s-swieq agrikoli tal-UE huma fost l-aktar miftuħa meta mqabbla ma' dawk ta' pajjiżi terzi. Minn hawn joħorġu ħafna mid-diffikultajiet, li fit-tul ma jistgħux jiġu evitati permezz tat-trasferiment tal-pagamenti biss.

1.7   Għalhekk, il-politika agrikola mhijiex biss kwistjoni ta' allokazjoni ta' flus. Il-bdiewa għandhom dritt jistennew li jiżguraw dħul ġust mill-bejgħ tal-prodotti tagħhom fis-suq u rimunerazzjoni għas-servizzi li jagħtu lis-soċjetà skont il-mudell agrikolu Ewropew.

1.8   Barra minn hekk, għal dan il-għan huwa meħtieġ li jiġu appoġġjati l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta' kwalità li jirriflettu t-territorju u d-diversità taż-żoni rurali fl-UE, billi jiġu promossi rotot qosra tad-distribuzzjoni u jiġi faċilitat l-aċċess dirett tal-bdiewa jew l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi għall-konsumaturi, biex b’hekk tiżdied il-kompetittività tal-irziezet u tkun tista’ tingħeleb il-qawwa sproporzjonata tad-distributuri l-kbar fil-kuntratt. Id-differenzi u l-karattru speċifiku tal-produzzjonijiet Ewropej iridu jinżammu permezz ta' informazzjoni li tkun korretta wkoll.

1.9   Wieħed mill-kompiti importanti tar-riforma ser ikun li tiżviluppa s-sistema eteroġenea attwali tal-għajnuna għall-agrikoltura tal-UE f’sistema uniformi, ibbażata fuq kriterji oġġettivi u aċċettata mis-soċjetà.

1.10   Il-pagamenti tal-bdiewa ma jistgħux jibqgħu jiġu ġġustifikati b’deċiżjonijiet jew drittijiet storiċi, iżda għandhom ikunu maħsuba biex jikkumpensaw għas-servizzi mogħtija lis-soċjetà – dawn għandhom jiġu definiti b’mod preċiż – li huma meħtieġa biex jinżamm il-mudell agrikolu Ewropew u ma jiġux riflessi fil-prezzijiet tas-suq. Għalhekk għandhom ikunu mmirati lejn l-objettivi.

1.11   Xejn ma jiġġustifika l-primjum b’rata fissa għal kull ettaru fl-Ewropa kollha minħabba, fost affarijiet oħra, id-differenzi strutturali u agroklimatiċi kbar, il-varjazzjonijiet kbar fid-dħul medju nazzjonali u reġjonali, il-varjazzjonijiet kbar fl-ispejjeż tal-input u l-produzzjoni u s-servizzi differenti li jagħtu l-irziezet differenti u t-tipi differenti ta' rziezet biex jinżamm il-mudell agrikolu Ewropew. Aktar minn primjum b’rata fissa għandhom jinsabu soluzzjonijiet adatti għall-kundizzjonijiet speċifiċi tar-reġjuni u t-tipi differenti ta' rziezet.

1.12   Il-programmi tal-iżvilupp rurali għandhom ikomplu jiġu żviluppati u għandhom ukoll jintużaw bl-aħjar mod possibbli. Nirrifjutaw bil-qawwi t-trasferiment ta' dan it-tip ta' kompiti għall-politika strutturali jew reġjonali ġenerali. Barra minn hekk, il-Kumitat ma jemminx li l-miżuri taħt il-FAEŻR attwali għandu jkollhom relazzjoni ċara mal-agrikoltura. Dan ma jinkludix il-bini tat-toroq u t-twaħħil tal-kejbils għall-broadband.

2.   Definizzjoni tal-kompiti

2.1   Fl-2010, il-Kummissjoni Ewropea ser tressaq komunikazzjoni dwar ix-xejra li ser jieħdu l-prijoritajiet politiċi tagħha fil-ġejjieni u dwar il-qafas finanzjarju futur mill-2014 ’il quddiem. Il-komunikazzjoni ser tinkludi wkoll dettalji dwar id-direzzjoni li ser jieħdu politiki Komunitarji bħall-PAK u l-Fondi Strutturali.

2.2   L-għan ta' din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja huwa li twassal xi kunsiderazzjonijiet bażici mis-soċjetà ċivili organizzata dwar ix-xejra u d-direzzjoni tal-PAK fil-ġejjieni. L-għan huwa li tipprovdi argumenti u rakkomandazzjonijiet adatti lill-Kummissjoni biex tkun tista’ tużahom waqt li tkun qed tħejji l-komunikazzjoni tagħha.

3.   Il-punt tat-tluq: il-mudell agrikolu Ewropew – ir-referenza tal-Ewropa fir-rigward tal-politika agrikola – huwa mhedded

3.1   L-istennijiet tas-soċjetà fir-rigward tal-agrikoltura nbidlu ħafna. Għal ftit żmien mhux ħażin, ma kinitx biss kwistjoni li sempliċement jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 33 tat-Trattat KE (li ddaħħal mingħajr bdil fit-Trattat ta' Lisbona l-ġdid), bħalma hija ż-żieda fil-produttività sabiex jiġu żgurati provvisti tal-ikel adatti bi prezzijiet raġonevoli.

3.2   Tfaċċaw sfidi ġodda, bħall-protezzjoni tal-bijodiversità, il-preservazzjoni tal-pajsaġġi kulturali b’bażi wiesgħa, l-iżvilupp taż-żoni rurali inklużi l-ħolqien u l-protezzjoni tal-impjiegi, kif ukoll il-kunċett tal-prodotti reġjonali bħala assi kulturali. Barra minn hekk, is-settur agrikolu qed ikollu jiffaċċja wkoll l-impatt tat-tibdil fil-klima, u qed ikollu jagħti l-kontribut tiegħu għall-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju.

3.3   B’riżultat tal-kriżi dinjija tal-ġuħ u d-diffikultajiet fis-swieq tal-enerġija, qed joħorġu dejjem aktar fid-dieher funzjonijiet ewlenin oħra tas-settur agrikolu bbażat lokalment (jiġifieri fil-livell reġjonali), bħas-sigurtà u s-sovranità tal-ikel, u l-provvista tal-ikel.

3.4   Is-sigurtà tal-ikel għandha tkun dritt bażiku u universali tal-bniedem. Minkejja li mhuwiex neċessarju li tintlaħaq l-awtosuffiċjenza totali fil-provvista tal-ikel, l-għan għandu jkun li jintlaħaq l-ogħla livell possibbli (jiġifieri s-sovranità tal-ikel).

3.5   Il-produzzjoni agrikola spiss tirrifletti element ta' kultura u identità reġjonali, u l-prodotti tal-ikel jistgħu jissimbolizzaw il-karatteristiċi speċifiċi u r-realitajiet storiċi tal-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati. Filwaqt li teoretikament il-prodotti tal-ikel jistgħu jiġu importati, il-pajsaġġi tal-biedja, id-diversità bijoloġika u l-kultura jistgħu jinżammu biss permezz ta' agrikoltura attiva u tradizzjonali; dawn ma jistgħux jinxtraw bħala prodotti importati. Għalhekk, il-prodotti tal-ikel għandhom jiġu kkunsidrati b’mod totalment differenti minn, ngħidu aħna, il-prodotti industrijali, li s-sit ta' produzzjoni tagħhom jiġi ddeterminat primarjament mill-ispejjeż.

3.6   Għalhekk, id-dibattitu dwar l-“ekonomija sostenibbli” issa jikkonċerna wkoll is-settur agrikolu. Dawk li jfasslu l-politika jużaw it-terminu “mudell agrikolu Ewropew” biex jirreferu għal tip ta' biedja mmirata b’mod konsistenti lejn l-għanijiet tas-sostenibbiltà.

3.7   Il-KESE jħoss li ż-żamma u l-iżvilupp attwali tal-mudell agrikolu Ewropew, jiġifieri l-agrikoltura multifunzjonali li ssegwi direzzjoni “tradizzjonali” (1) madwar l-UE, fejn id-dħul tal-bdiewa jkun kumparabbli mal-medja nazzjonali u/jew reġjonali, huma l-mezz ewlieni biex tinżamm – kullimkien u fuq skala suffiċjenti – produzzjoni tal-ikel ta' kwalità għolja, b’varjazzjonijiet reġjonali u ekoloġika, li żżomm lill-Ewropa sikura u protetta, tissalvagwardja d-diversità u l-ispeċifiċitajiet tal-prodotti kkonċernati u tistimola l-pajsaġġi kulturali u ż-żoni rurali Ewropej li huma diversi u varjati.

3.8   Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li diġà jeżistu differenzi kbar – anke fl-Ewropa – bejn l-agrikoltura multifunzjonali u tip ta' agrikoltura li għandha (jew hija mistennija) torjenta ruħha prinċipalment lejn is-swieq globalizzati u liberalizzati.

3.9   Il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar il-qabża dejjem tikber li hemm bejn, minn naħa waħda, id-diskorsi li jsiru dwar il-mudell agrikolu Ewropew u dwar l-approċċ multifunzjonali u, min-naħa l-oħra, ir-realtà tal-ħajja ta' kuljum tal-bdiewa.

3.10   Waħda mir-raġunijiet hija li l-bdiewa Ewropej, li għandhom mhux biss il-missjoni li jipproduċu iżda wkoll li jaqdu rwol multifunzjonali fiż-żoni rurali, qed ikollhom jagħmlu xogħol li, ibda biex, qed jiswielhom il-flus, mingħajr fil-verità ma jgħinhom jaqilgħu l-flus, billi l-prezzijiet tas-suq tal-prodotti agrikoli sempliċement ma jinkludux is-servizzi pprovduti mis-settur tal-biedja bħala parti mill-missjoni multifunzjonali tiegħu.

3.11   Għalhekk, biex ilaħħqu mil-lat finanzjarju, illum il-ġurnata l-irziezet huma mġiegħla jagħmlu kull tip ta' attività sabiex iqawwu l-produttività tagħhom. B’dan il-mod, kważi bil-moħbi, l-UE qed timxi bil-mod il-mod lil hinn mill-mudell agrikolu Ewropew, u qed tiġi osservata tendenza lejn agrikoltura aktar industrijalizzata. Qed jiżviluppaw mudelli tal-produzzjoni li juru li l-“Amerikanizzazzjoni tal-agrikoltura Ewropea” qed tikber, filwaqt li ħafna rziezet li setgħu jaqdu rwol importanti sabiex tinżamm il-multifunzjonalità tal-agrikoltura qed ikollhom jagħlqu għalkollox.

3.12   Dawn l-iżviluppi jvarjaw ħafna kemm fl-oqsma differenti tal-agrikoltura kif ukoll minn reġjun għal ieħor. Fl-aħħar snin kien hemm dinamika enormi, u f’xi postijiet kien hemm saħansitra taqlib strutturali kbir: fl-2008 biss, fil-Land Ġermaniż tan-Niedersachsen għalqu 20 % tal-irziezet tal-ħnieżer, għalkemm in-numru attwali ta' ħnieżer għat-tismin ma naqasx.

3.13   Ħadd ma jaf fejn ser jispiċċa dan l-iżvilupp. Ilna ftit nafu issa li, bħalma ġara fl-industrija, setturi sħaħ tal-produzzjoni Ewropea ser jintilfu. L-ewwel li jista’ jiġi affettwat huwa s-settur tat-tjur, li diġà huwa industrijalizzat ħafna – aktar minn prattikament kull settur ieħor. Waħda mill-akbar intrapriżi tal-Ewropa, il-grupp Franċiż tat-tjur Doux diġà rriloka numru mis-siti tiegħu minn Franza għall-Brażil, fejn l-ispejjeż tal-produzzjoni huma aktar baxxi.

3.14   Dan juri li, fl-aħħar mill-aħħar, lanqas l-iżviluppi kontinwi tal-produttività ma jiggarantixxu s-sopravivenza tal-agrikoltura Ewropea fi swieq globalizzati li mhumiex regolati – bħalma qatt ma ggarantixxew l-agrikoltura fuq skala kbira fl-Ewropa kollha.

3.15   Il-KESE jenfasizza li l-konċentrazzjoni qawwija tal-produzzjoni tagħmel l-agrikoltura Ewropea aktar vulnerabbli għall-kriżijiet.

3.16   Waħda mill-karatteristiċi tal-mudell agrikolu Ewropew hija d-deċiżjoni konxja li tiġi aċċettata inqas produttività, u dan naturalment jirrappreżenta żvantaġġ kompetittiv għall-bdiewa. Madankollu, dan huwa eżattament dak li huwa mixtieq fil-livell politiku u mis-soċjetà b’mod ġenerali. Il-pubbliku Ewropew għandu fehmiet differenti minn dawk li jeżistu barra mill-Ewropa dwar l-użu tal-OĠM (organiżmi ġenetikament modifikati), l-ormoni u l-istimulanti tat-tkabbir, u dwar l-azzjonijiet biex tiġi indirizzata s-salmonella jew biex is-settur agrikolu jinżamm intatt. Ħaġa waħda hija ċerta: dawn l-istennijiet tant għoljin meta mqabbla ma' dawk internazzjonali joħolqu spejjeż li ma jistgħux jitpoġġew fuq il-bdiewa biss.

3.16.1   F’dan il-kuntest, huwa tal-ikbar importanza li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kontroll tal-fruntieri permezz ta' protokolli ta' garanzija tas-saħħa li jippermettu l-verifika tal-kundizzjonijiet tat-traċċabbiltà u s-sigurtà u li jiżguraw li mhux qed jintużaw prodotti li huma pprojbiti fl-UE, bl-applikazzjonijiet tal-istess rekwiżiti kemm għall-prodotti Komunitarji kif ukoll għal dawk importati.

3.17   Għalhekk, dawk li jfasslu l-politika qed jiffaċċjaw il-kompitu li jżommu settur agrikolu li ma jistax jipparteċipa f’kull azzjoni biex tissaħħaħ il-produzzjoni, u li fl-istess ħin xorta waħda jrid jipprovdi dħul suffiċjenti għas-sidien tal-irziezet.

3.18   Il-mudell agrikolu Ewropew ma jistax jinkiseb taħt il-kundizzjonijiet tas-swieq dinjija u bil-prezzijiet tas-swieq dinjija. Hija illużjoni li wieħed ifittex li jilħaq settur agrikolu li:

jista’ jipproduċi taħt il-kundizzjonijiet tas-swieq dinjija (li ta' spiss ikunu soġġetti għal distorsjonijiet) f’kull reġjun Ewropew;

fl-istess ħin jissodisfa l-esiġenzi kollha f’termini ta' produzzjoni (kwalità, sigurtà, ħarsien tar-riżorsi naturali, il-benesseri tal-annimali, eċċ.), filwaqt li jlaħħaq mal-ispejjeż Ewropej;

u jassigura wkoll suq tax-xogħol modern u b’rimunerazzjoni attraenti kkaretterizzat minn standards għoljin ta' impjiegi, sikurezza u taħriġ bażiku u ulterjuri.

3.19   Għalhekk, il-mudell agrikolu Ewropew issa jinsab aktar minn qatt qabel mhedded mill-iżviluppi attwali u għal din ir-raġuni jeħtieġ li jiġi appoġġjat u promoss permezz ta' PAK b’saħħitha.

4.   Il-politika agrikola wara l-2014: deċiżjoni strateġika dwar id-direzzjoni futura tal-PAK

4.1   Għalkemm fl-istorja tagħha l-Politika Agrikola Komuni għaddiet minn bidliet u riformi fundamentali parzjali diversi drabi, għal darb’oħra għaddej dibattitu ġdid dwar ir-riforma – fid-dawl tar-riformi tal-2000, l-2003 u l-2008. Dan huwa xhieda li s’issa ma ġewx indirizzati b’mod sodisfaċenti l-kwistjonijiet soċjali marbuta mal-PAK kollha. Huwa għalhekk li l-Politika Agrikola Komuni spiss tibqa’ tiġi kkritikata jew saħansitra, sa ċertu punt, iddubitata. Fil-fehma tal-KESE, l-orjentazzjoni radikali tal-agrikoltura lejn is-suq tiġi eliminata waħidha jekk il-mudell agrikolu Ewropew jittieħed bis-serjetà.

4.2   Il-partijiet involuti m’għandhomx biss jindirizzaw dan id-dibattitu soċjali, iżda għandhom jieħdu wkoll pożizzjoni ta' attakk f’dan id-dibattitu. Din hija l-opportunità biex wieħed ifiehem sewwa lis-soċjetà għaliex l-agrikoltura tokkupa pożizzjoni tant speċjali. Fil-kuntest tal-mudell agrikolu Ewropew, l-agrikoltura sostenibbli u t-trobbija tal-annimali jirrappreżentaw il-qofol tal-provvista tal-ikel tas-soċjetà tagħna u huma settur strateġiku għall-ġestjoni u l-ippjanar sod tal-użu tal-art, il-konservazzjoni tal-kampanja, il-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

4.3   L-ewwel nett, il-Kumitat iħoss li huwa assolutament neċessarju li jiġi żgurat ftehim fis-soċjetà dwar kif ser ikun is-settur tal-agrikoltura tal-Ewropa fil-futur, jiġifieri x’ser ikun il-mudell tal-politika agrikola. Fil-qosor, il-kwistjoni hi jekk l-għan tal-PAK għandux ikun li tiddefendi u tiżviluppa l-mudell agrikolu Ewropew, jew li tagħmel ħilitha biex tgħin lil numru żgħir ta' rziezet li huma dejjem aktar speċjalizzati, ikkonċentrati f’reġjuni partikolari, u mgħammra bl-aħħar teknoloġija, jiffaċċjaw kompetizzjoni dinjija dejjem aktar qalila sabiex jiġu żgurati l-orħos prezzijiet.

4.4   Il-Kumitat huwa ċar fuq punt wieħed: mhuwiex biżżejjed li tingħata attenzjoni esklużiva lit-tħeġġiġ tal-kompettività bil-ħsieb li jservi s-suq dinji. Il-PAK ta' wara l-2013 għandha tkun iggwidata mhux minn produzzjoni speċjalizzata bl-aktar prezzijiet baxxi, ikkonċentrata f’reġjuni speċifiċi u mmirata esklużivament lejn l-akbar rendiment ekonomiku possibbli, iżda mill-mudell agrikolu Ewropew, li għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji tas-sovranità tal-ikel, is-sostenibbiltà u l-ħtiġijiet ġenwini tal-bdiewa u l-konsumaturi.

4.5   Il-vijabbiltà tal-mudell agrikolu Ewropew tista’ tiġi żgurata biss jekk il-biedja multifunzjonali ssir aktar kompetittiva fir-rigward ta' produzzjoni agrikola mmirata biss lejn l-akbar rendiment ekonomiku possibbli. Dan għandu jsir kompitu ewlieni tal-PAK u għandu jkun ta' gwida għall-għodod tal-politika agrikola, bil-konsegwenza li dan iwassal għal bidliet sostanzjali fl-istruttura ta' appoġġ finanzjarju. It-tneħħija ta' kwalunkwe strument ta' kontroll ieħor tmur kontra din il-kundizzjoni.

4.6   Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex, qabel ma jindirizzaw il-kwistjoni tal-finanzjament, jibdew billi jfasslu bl-aktar mod ċar l-għan preċiż tal-PAK u jkomplu billi jindikaw il-finanzjamenti u l-għodod meħtieġa biex dan l-għan jintlaħaq. Il-Kumitat iħoss li huwa ħażin li l-ewwel tiġi allokata somma speċifika għal qasam ta' attività speċifiku u li mbagħad din is-somma tinqasam bejn il-miżuri speċifiċi u bejn l-Istati Membri individwali.

4.7   Il-Kumitat jinnota li fid-diskussjonijiet dwar l-orjentazzjoni tal-PAK wara l-2013 għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li wieħed minn kull sitt impjiegi fl-Ewropa huwa relatat b’mod dirett jew indirett mal-produzzjoni agrikola. Għalhekk, il-PAK hija importanti wkoll biex tiggarantixxi l-impjieg fl-UE, speċjalment fiż-żoni rurali. Jekk il-produzzjoni agrikola tieqaf, l-impjiegi relatati fis-setturi upstream u downstream – inkluża l-industrija tal-ikel – jgħosfru wkoll. Barra minn hekk, l-agrikoltura tiġġestixxi madwar 80 % tat-territorju kollu tal-Unjoni u taqdi rwol ewlieni fl-użu sostenibbli tar-riżorsi, il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-bijodiversità, eċċ. Hija għandha rwol dejjem ikbar fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

5.   Pakkett wiesa’ ta' miżuri agrikoli

5.1   Is-suq huwa bbażat fuq il-prezzijiet, u ftit li xejn fuq il-valuri. Il-prezzijiet li jakkwistaw il-bdiewa qed jiġu aġġustati dejjem aktar skont il-kundizzjonijiet u l-ispejjeż tal-produzzjoni l-aktar favorevoli fil-livell dinji. Min-naħa l-oħra, il-mudell agrikolu Ewropew huwa bbażat ħafna fuq il-valuri li ma jiġux riflessi fil-prezzijiet tas-suq dinji.

5.2   Skont it-Trattati tal-UE, wieħed mill-għanijiet tal-PAK huwa l-istabbilizzazzjoni tas-suq. Is-swieq stabbli huma importanti. Għalhekk il-KESE jemmen li huwa importanti li anke fil-futur jintużaw strumenti tas-suq sabiex jiġu stabbilizzati l-prezzijiet u jiġu evitati varjazzjonijiet kbar wisq fil-prezzijiet. Madankollu, il-miżuri maħsuba biex jirregolaw is-swieq jew jissalvagwardjaw il-prezzijiet tal-produtturi tnaqqsu għal livell minimu u s-swieq agrikoli tal-UE huma fost l-aktar miftuħa meta mqabbla ma' dawk ta' pajjiżi terzi. Minn hawn joħorġu ħafna mid-diffikultajiet, li fit-tul ma jistgħux jiġu evitati permezz tat-trasferiment tal-pagamenti biss.

5.3   Għalhekk, il-politika agrikola mhijiex biss kwistjoni ta' allokazjoni ta' flus. Il-bdiewa għandhom dritt jistennew li jiżguraw dħul ġust mill-bejgħ tal-prodotti tagħhom fis-suq u rimunerazzjoni għas-servizzi li jagħtu lis-soċjetà skont il-mudell agrikolu Ewropew.

5.4   Jekk is-soċjetà tixtieq tiddefendi l-mudell agrikolu Ewropew, trid tappoġġjah permezz tal-politika agrikola. Min-naħa tiegħu, is-settur agrikolu jrid jaċċetta li, meta tkun qed tipprovdi dan l-appoġġ, is-soċjetà tkun qed tistenna wkoll li jiġu sodisfatti l-istennijiet tagħha b’rabta mal-agrikoltura multifunzjonali.

5.5   Il-kummerċ, is-swieq u l-organizzazzjoni tagħhom

Swieq volatili u swieq stabbli

5.5.1   Rigward is-swieq u l-prezzijiet, għandhom jiġu kkunsidrati u indirizzati mill-inqas tliet tipi ta' problemi differenti:

is-swieq qed isiru dejjem iktar volatili, bi prezzijiet ta' produzzjoni li qed jonqsu;

il-poter tas-suq tas-setturi tad-distribuzzjoni u s-settur tal-kummerċjalizzazzjoni dejjem qed jissaħħaħ fil-konfront tal-produtturi, u

hemm problemi ċari fil-qasam tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti lokali u reġjonali ta' kwalità. Fid-dawl ta' dan, hemm bżonn agrikoltura li tkun orjentata lejn is-swieq lokali u reġjonali.

5.5.2   In-nuqqas fuq skala wiesgħa ta' għodod effettivi għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq wassal għall-ispekulazzjoni u l-instabbiltà tas-swieq. Madankollu, dan imur kontra t-trattati attwali u passati tal-UE.

5.5.3   Varjazzjonijiet kbar fil-prezzijiet għandhom tendenza li jnaqqsu s-sehem tal-produtturi fil-katina tal-valur u jżidu l-marġini tal-kummerċjalizzazzjoni.

5.5.4   Il-konsumaturi wkoll ftit li xejn jibbenefikaw minn dawn l-iżviluppi, bħalma wrew dawn l-aħħar ftit snin: it-tnaqqis ta' 40 % fil-prezzijiet tal-pitravi taz-zokkor prattikament ma kellu l-ebda impatt fuq il-prezzijiet tal-konsumatur, u l-istess ġara fil-każ tat-tnaqqis kbir fil-prezz tal-ħalib u ċ-ċereali.

5.5.5   Il-passat juri li l-interventi regolatorji – li jinvolvu miżuri opportuni fil-ħin opportun – huma, mil-lat ekonomiku, aktar kost-effettivi milli jsewwu l-ħsara fi stadju ulterjuri.

5.5.6   Bħalma turi biċ-ċar il-kriżi fis-settur tal-ħalib, huwa impossibbli li r-regolazzjoni tas-swieq u tal-livelli ta' produzzjoni jitnaqqsu għal livell minimu mingħajr ma jintlaqtu l-istandards ta' produzzjoni għolja u l-multifunzjonalità mistennija mill-pubbliku.

5.5.7   Ir-riskju relatat mal-iskadenza tas-sistema ta' kwoti għall-ħalib huwa li ħafna produtturi tal-ħalib jabbandunaw l-attività tagħhom, speċjalment fir-reġjuni anqas ivvantaġġjati, u f’ħafna każijiet dan ifisser li jiġu abbandunati l-attivitajiet agrikoli kollha fiż-żona kkonċernata. Mingħajr dubju ta' xejn, huwa minnu li l-ammont ta' ħalib li jintuża, pereżempju, fl-Estonja jista’ jiġi prodott f’reġjuni oħra fl-Ewropa li huma aktar produttivi u jipproduċuh bi prezz orħos mill-operaturi lokali. Però t-trasferiment tal-produzzjoni b’dan il-mod sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż huwa preċiżament l-oppost ta' dak li suppost qiegħed jikseb il-mudell agrikolu Ewropew. Il-Kumitat huwa favur politika agrikola li permezz tagħha l-agrikoltura tkun possibbli kullimkien u li tkun ibbażata fuq il-prinċipju tas-sovranità tal-ikel. Ta' min itenni li dan ma jistax jinkiseb bit-trasferimenti finanzjarji biss u b’hekk hemm bżonn li s-swieq u l-produzzjoni jiġu regolati.

5.5.8   Għaldaqstant, l-istabbilizzazzjoni tas-suq, li tinkludi l-ħolqien tal-hekk imsejħa “xibka tas-sigurtà”, għandha tkun wieħed mill-kompiti ewlenin tar-riforma tal-PAK.

5.5.9   Għaldaqstant, il-KESE jiddefendi din il-pożizzjoni:

il-ftit miżuri għall-istabbilizzazzjoni tas-suq li fadal mhux biss iridu jinżammu u jiġu applikati meta s-suq jitlob dan, iżda għandhom jiġu żviluppati u introdotti wkoll approċċi ġodda għall-istabbilizzazzjoni tas-suq li huma konformi mar-regoli tad-WTO;

minħabba n-numru dejjem jikber ta' effetti li ma jistgħux jitkejlu fis-swieq agrikoli internazzjonali, għandhom jittieħdu passi strateġiċi adatti sabiex jinħażnu l-prodotti agrikoli għall-kriżijiet li jistgħu jinqalgħu fil-ġejjieni;

barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat kif tista’ tittieħed azzjoni biex jiġu stabbilizzati s-swieq, bil-għajnuna tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u/jew tal-ftehimiet settorjali.

Problemi fil-katina tal-ikel

5.5.10   Jeżisti żbilanċ fin-negozjati dwar l-ipprezzar. Il-bdiewa qed jiffaċċjaw prattiki kuntrattwali li huma jqisu bħala inġusti, minħabba li l-bejjiegħa bl-ingrossa fil-qasam tal-ikel għandhom pożizzjoni ta' negozjar aktar b’saħħitha.

5.5.11   Bħalissa, huwa s-suq, u s-suq biss, li jiddetermina l-kwistjoni ewlenija ta' min jieħu liema sehem fil-katina tal-valur, b’konformità mal-prinċipji tas-suq ħieles. Dan huwa ta' detriment speċjalment għall-bdiewa li, għalkemm f’ħafna każijiet l-ispejjeż ta' kull prodott qed jiżdiedu, sikwit jiffaċċjaw tnaqqis dejjem akbar fil-prezzijiet tal-produzzjoni u ħafna drabi huma obbligati jirreaġixxu permezz ta' miżuri li jmorru kontra l-għanijiet tal-mudell agrikolu Ewropew.

5.5.12   Billi 77 % tas-suq tal-ikel fl-UE-27 diġà huwa kkontrollat minn ħmistax-il katina kummerċjali biss, il-KESE jħoss li, bħalma qed jiġri fl-Istati Uniti, għandu jiġi kkunsidrat jekk il-liġi tal-kompetizzjoni hix biżżejjed biex tipprevjeni l-istrutturi li jiddominaw is-suq u l-prattiki kuntrattwali dubjużi. Huwa importanti li l-gruppi tal-partijiet ikkonċernati kollha jkunu involuti f’dan l-eżerċizzju. L-analiżi għandha twassal għal bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-liġijiet Komunitarji tal-kompetizzjoni għas-settur agroalimentari b’tali mod li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tiegħu, u jadattawhom għal-liġijiet tal-kompetizzjoni fil-pajjiżi li jikkompetu mal-UE fis-swieq dinjija, bħalma kkonkluda l-Grupp ta' Livell Għoli tal-prodotti tal-Ħalib.

5.5.13   Il-KESE jistenna li l-Kummissjoni tagħmel sforz biex iżżid it-trasparenza tal-ipprezzar u tressaq soluzzjonijiet sabiex jiġi evitat l-hekk imsejjaħ “ipprezzar asimmetriku” (2).

Il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti lokali, reġjonali, speċjalizzati u ta' kwalità

5.5.14   Il-ktajjen il-kbar tal-bejgħ bl-imnut u l-proċessuri ewlenin qegħdin jitolbu prodotti primarji li jkunu dejjem aktar uniformi, prattikament standardizzati u rħas. Dan ma tantx qed iħalli lok għad-diversità reġjonali u l-ispeċifiċità tal-prodotti.

5.5.15   Però l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti ta' kwalità b’mod li jiġu riflessi l-karatteristiċi speċifiċi ta' reġjun partikolari u d-diversità taż-żoni rurali fl-UE huma kompitu ewlieni fiż-żamma tal-mudell agrikolu Ewropew. Għalhekk, hemm bżonn li dan l-aspett jingħata appoġġ ħafna aktar b’saħħtu. It-tqassir tar-rotot ta' distribuzzjoni u l-għoti ta' aċċess aktar dirett għall-konsumaturi lill-bdiewa jew lill-gruppi ta' produtturi jistgħu jgħinu jistimolaw il-kompetittività, b’mod partikolari, ta' rziezet li huma iżgħar u għalhekk jirrikjedu aktar ħaddiema.

5.5.16   Jeħtieġ li tingħata ħafna aktar attenzjoni lill-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-differenzi fit-tekniki ta' produzzjoni milli ngħatat fil-passat. Dawn għandhom jitqiesu bħala dritt ta' proprjetà intellettwali u għandhom jiġu protetti bħala tali. Informazzjoni bħal din tista’ torbot prodotti agrikoli speċifiċi ma' reġjuni speċifiċi sabiex, fi kliem ieħor, il-prodotti kkonċernati mhux biss ikollhom post ta' oriġini “definit” iżda wkoll karatteristiċi ta' “kwalità” li żviluppaw b’mod ċar matul iż-żmien. Huwa importanti li jiġi definit b’mod ċar x’inhu prodott reġjonali.

5.5.17   Bħalissa jeżistu bosta prattiki qarrieqa u dubjużi fit-tikkettar tal-prodotti. Pereżempju, fil-futur m’għandux ikun permess:

li għall-imballaġġ tal-ħalib jintużaw stampi ta' baqar qed jirgħu meta l-ħalib ikkonċernat ikun ġej minn annimali li ma jirgħux; minflok, għandu jiġu żviluppat approċċ lejn is-suq li jkollu aktar sfumaturi (minn skemi ta' appoġġ għall-ħalib li jkun ġej minn baqar li jkunu mitmugħin il-ħaxix jew li jitrabbew fil-mergħat sa strateġiji ta' kummerċjalizzazzjoni reġjonali minn produtturi jew kooperattivi żgħar); jew

li ssir pubbliċità li tuża l-indikaturi reġjonali filwaqt li l-prodotti kkonċernati jkunu ġejjin minn xi mkien ieħor.

5.5.18   Jeħtieġ li jittejbu u jiġu monitorjati t-trasparenza tas-suq u l-informazzjoni tal-konsumatur (bħat-tikkettar tal-oriġini). Għas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar ir-regoli li l-bdiewa Ewropej għandhom joperaw taħthom, jeħtieġ li jitnedew kampanji ta' informazzjoni tal-konsumatur dwar is-sistemi ta' produzzjoni Ewropej. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sistema tat-tikkettar u, f’dan ir-rigward, il-KESE jemmen li għandu jitqies dak li jintqal fl-opinjoni dwar l-informazzjoni fuq l-ikel lill-konsumaturi (3).

5.5.19   Fil-futur, id-dħul mit-taxxa għandu jintuża l-aktar għat-tisħiħ tal-prodotti u s-swieq reġjonali.

5.6   L-għodod finanzjarji tal-PAK

Is-sitwazzjoni attwali

5.6.1   Bħalissa s-sistema tal-għajnuna għall-agrikoltura fl-UE mhix uniformi: fl-UE-15 hemm il-pagamenti uniċi li jew huma bbażati fuq drittijiet storiċi jew qed jiżviluppaw fi primjums b’rata fissa għal kull ettaru. Fl-UE-12 ġiet introdotta direttament sistema ta' primjums b’rata fissa għal kull ettaru u b’din is-sistema l-pagamenti jinsabu f’livell aktar baxx minn dak tal-UE-15.

5.6.2   Għaldaqstant, illum il-bdiewa jibbenefikaw b’mod differenti ħafna mis-sistema attwali ta' pagamenti. Ħafna drabi, minn naħa dan jinħass li mhux ġust u min-naħa l-oħra dawk li jħallsu t-taxxi ftit li xejn jifhmu s-sistema.

5.6.3   Wieħed mill-kompiti ċentrali tar-riforma li ser issir għandu jkun li tiżviluppa sistema uniformi, ibbażata fuq kriterji oġġettivi u aċċettata mis-soċjetà.

5.6.4   Il-pagamenti diretti li jaqgħu taħt l-ewwel pilastru fil-bidu kienu ġġustifikati mit-tnaqqis fil-prezzijiet garantiti fl-1992. Dawn baqgħu jingħataw sal-2003 bħala pagamenti ta' kumpens sal-introduzzjoni tad-diżakkoppjament skont id-deċiżjonijiet tal-Lussemburgu. Madankollu, peress li ħafna mill-Istati Membri għażlu l-iskema storika ta' pagament uniku, għadhom jeżistu differenzi estremi bejn il-bdiewa fir-rigward tal-benefiċċji li jieħdu mis-sistema attwali. Minħabba d-diżakkoppjament, m’għadx għandhom influwenza diretta fuq il-mod ta' produzzjoni.

5.6.5   Il-pagamenti diretti li jaqgħu taħt it-tieni pilastru (jiġifieri l-primjums b’rata fissa għal kull ettaru) inżammew sabiex il-bdiewa jkopru ċerti servizzi soċjali rilevanti oħra li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti bażiċi u li mhumiex riflessi fil-prezz tas-suq u/jew biex, fiż-żoni anqas ivvantaġġjati, iħeġġu lill-bdiewa jissoktaw bil-produzzjoni għall-ġid tas-soċjetà.

5.6.6   Bħalissa, il-pagamenti diretti li jaqgħu taħt l-ewwel pilastru huma ffinanzjati 100 % mill-UE filwaqt li l-pagamenti li jaqgħu taħt it-tieni pilastru għandhom jiġu kkofinanzjati mill-Istati Membri. F’ħafna Stati Membri, il-metodi differenti ta' finanzjament jinfluwenzaw kemm dawn il-programmi jkunu “attraenti”. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex fl-ippjanar futur tal-programmi toqgħod attenta li r-rati differenti ta' konfinanzjament ma jwasslux lill-Istati Membri biex jippreferu jew inkella jittraskuraw ċerti partijiet tal-programmi.

5.6.7   Minbarra l-pagamenti diretti, jeżistu riżorsi biex jitħeġġeġ l-iżvilupp rurali (it-tielet assi tat-tieni pilastru), biex jiġi appoġġjat l-investiment fl-irżiezet (l-ewwel assi tat-tieni pilastru) kif ukoll għall-Programm LEADER.

5.6.8   Minħabba l-instabbiltà u l-volatilità tas-suq, fost affarijiet oħra, it-trasferimenti finanzjarji diretti f’ċerti każijiet huma fatturi estremament importanti għad-dħul tal-irziezet. Mingħajr it-trasferimenti finanzjarji, il-bidla strutturali agrikola tkun ħafna aktar drammatika, għalkemm l-rziezet individwali jibbenefikaw b’mod varjabbli ħafna mill-aktar strument importanti bħalissa, jiġifieri l-pagamenti diretti li jaqgħu taħt l-ewwel pilastru.

L-iskemi futuri ta' pagament

5.6.9   Il-Kumitat iżomm il-fehma attwali tiegħu dwar il-pagamenti diretti li jaqgħu taħt l-ewwel pilastru. Minn dejjem enfasizza li l-pagamenti diretti relatati ma' kompiti speċifiċi , għalkemm huma importanti, jistgħu jaqdu biss rwol ta' appoġġ (4). Id-dħul tal-bdiewa għandu jiġi mill-qligħ mill-bejgħ u mis-servizzi pprovduti lis-soċjetà u mhux jitħallas mis-suq.

5.6.10   Il-ħlas għal dawn is-servizzi – li s’issa ma ġiex garantit, iżda huwa neċessarju – huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li jintlaħaq ftehim dwar liema servizzi jridu jipprovdu l-bdiewa, kemm fuq bażi individwali kif ukoll fuq bażi kollettiva. Dan ser ikun fattur importanti fl-istabbiliment ta' prinċipji ċari dwar kif għandhom jingħataw il-pagamenti diretti fil-futur. Dawn iridu jkunu msejsa fuq kriterji oġġettivi u jridu jkunu “akkoppjati” ma' kompitu speċifiku sabiex is-soċjetà taċċettahom.

5.6.11   Bażikament għandhom japplikaw dawn il-premessi:

il-pagamenti diretti tal-ewwel u/jew it-tieni pilastru għandhom jingħataw biss lill-bdiewa attivi u lill-għaqdiet għall-preservazzjoni tal-pajsaġġ jew istituzzjonijiet oħra li jaħdmu favur il-preservazzjoni tal-pajsaġġ kulturali;

il-pagamenti diretti tal-ewwel u/jew it-tieni pilastru għandhom iqisu l-impjiegi ġenerati f’kull razzett;

il-pagamenti diretti tal-ewwel u/jew it-tieni pilastru għandhom jagħtu kumpens għas-servizzi pprovduti lis-soċjetà mis-settur agrikolu biex jinżamm il-mudell agrikolu Ewropew. Id-dħul tal-bdiewa għandu jiġi prinċipalment mill-prezzijiet ta' suq regolat li fih l-ispejjeż tal-produttività jkunu rikonoxxuti mis-suq;

fid-dawl tad-differenzi agroklimatiċi kbar fl-UE, il-pagamenti diretti tal-ewwel u/jew it-tieni pilastru għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jibbilanċjaw, fl-UE kollha, l-ispejjeż li jġarrbu l-bdiewa b’riżultat tal-kundizzjonijiet agroklimatiċi (5).

5.6.12   Għalhekk, irid jiġi deċiż għal liema servizzi konkreti għandhom jinżammu l-pagamenti diretti (u l-ammont tagħhom). L-irziezet jew is-siti ta' produzzjoni li ma jirnexxilhomx – jew li ma jixtiqux – jipprovdu servizzi bħal dawn, u għalhekk ma jikkontribwixxux għat-twaqqif tal-mudell agrikolu Ewropew, m’għandhom bl-ebda mod jirċievu wkoll il-pagamenti.

5.6.13   Il-bżonn ta' pagamenti diretti bħala kumpens għas-servizzi ta' interess pubbliku li m’għandhomx prezz tas-suq (pereżempju servizzi ambjentali speċifiċi u definiti tajjeb) m’għandux jitpoġġa f’dubju. Il-Kumitat jemmen li skemi ta' dan it-tip mhux biss għandhom jiġu żviluppati aktar iżda għandhom ukoll isiru aktar attraenti u flessibbli. Għaldaqstant, huwa importanti ħafna li jerġgħu jiġu introdotti l-“komponenti ta' inċentiv”. Li nkunu nistgħu nirreaġixxu b’mod aktar flessibbli għall-attivitajiet individwali tal-bdiewa huwa element importanti wkoll. L-iskemi għandhom ikunu bbażati aktar fuq ir-riżultati milli fuq il-miżuri.

5.6.14   Ħafna miżuri ġodda fil-futur ser jaqgħu taħt din il-kategorija, bħal pereżempju l-metodi agrikoli għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għas-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija. L-agrikoltura fil-mergħat (grassland farming) bla dubju taqdi rwol hawnhekk.

5.6.15   Il-pagamenti diretti bħala kumpens għal żvantaġġi naturali permanenti u immutabbli u l-pagamenti bħala kumpens għar-restrizzjonijiet imposti fuq l-użu, pereżempju b’riżultat ta' rekwiżiti għall-konservazzjoni tan-natura, huma aktar milli ġġustifikati. Għal ħafna żoni protetti, jeħtieġ użu agrikolu partikolari biex jinżamm il-karattru tagħhom. Il-Kumitat jemmen li mhuwiex realistiku li jinċaħdu pagamenti minħabba li l-bdiewa joperaw fi ħdan qafas speċifiku stabbilit mir-regolament dwar iż-żoni protetti.

5.6.16   Il-politiki futuri ta' appoġġ lis-settur agrikolu għandhom jiffokaw fuq kompiti speċifiċi u għaldaqstant il-pagamenti diretti differenzjati għandhom ikunu marbuta mal-prestazzjoni ta' servizz tanġibbli li jista’ jiġi ppreżentat lill-pubbliku b’mod li jista’ jinftiehem. Dan jinkludi bla dubju l-pagamenti ta' kumpens.

5.7   Primjum b’rata fissa għal kull ettaru bħala kumpens għall-iżvantaġġi kompetittivi?

5.7.1   Possibbiltà li qed tiġi diskussa hija li l-pagamenti diretti li jaqgħu taħt l-ewwel pilastru jinbidlu fi primjum pan-Ewropew b’rata fissa għal kull ettaru. Din il-possibbiltà hija ġġustifikata mill-fatt li s-settur agrikolu Ewropew għandu standards tal-produzzjoni ogħla mill-kompetituri mhux Ewropej tiegħu u għaldaqstant qiegħed f’pożizzjoni ta' żvantaġġ kompetittiv.

5.7.2   Il-Kumitat jemmen li għandu jiġi kkunsidrat li jingħata kumpens adatt għall-iżvantaġġi kompetittivi. Wara kollox, il-ftehimiet ta' kummerċ ma jqisux l-istandards soċjali u ambjentali, li huma elementi kruċjali tal-mudell agrikolu Ewropew, bħala ostakoli għall-kummerċ. Dan xejn mhu aċċettabbli. Is-sistema tad-WTO għandha tiġi riformata minnufih, għaliex sistema globali tal-kummerċ mingħajr standards soċjali u ekoloġiċi mhix aċċettabbli.

5.7.3   Sabiex jitneħħew l-iżvantaġġi relatati mal-kompetizzjoni, huwa importanti li jiġi ċċarat liema setturi speċifiċi ta' produzzjoni għandhom standards Ewropej differenti minn dawk tal-kompetitturi ewlenin, u liema żvantaġġi, f’termini ta' spejjeż, dan jinvolvi għall-irziezet individwali/it-tipi ta' rziezet/it-tipi ta' produzzjoni.

5.7.4   Il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni u b’hekk l-ispejjeż tal-bdiewa fl-Ewropa huma estremament differenti: jeżistu mhux biss differenzi strutturali u (agro)klimatiċi kbar, iżda wkoll varjazzjonijiet kbar fl-ispejjeż tal-input u l-livell tal-ħajja fir-reġjuni differenti. Barra minn dan, anke l-iżvantaġġi f’termini ta' spejjeż li jirriżultaw mill-ekonomiji ta' skala fl-Istati Membri, reġjuni u bejn it-tipi ta' rziezet individwali jvarjaw b’mod konsiderevoli.

5.7.5   Mhux diffiċli li wieħed jifhem li, pereżempju, l-iżvantaġġi dimostrabbli tal-produzzjoni fl-irziezet li jrabbu l-annimali ma jiġux solvuti bi primjum b’rata fissa li jkun ta' benefiċċju wkoll għall-irziezet li ma jrabbux annimali.

5.7.6   Minn dan joħroġ li l-iżvantaġġi relatati mal-kompetizzjoni ma jistgħux jitneħħew permezz ta' primjum b’rata fissa għal kull ettaru li jkun l-istess madwar l-Ewropa kollha, iżda għandhom jiġu indirizzati b’mod li jirrifletti l-kundizzjonijiet speċifiċi tar-reġjuni u li jikkunsidra l-kundizzjonijiet agroklimatiċi u t-tipi differenti ta' rziezet.

5.8   Primjum b’rata fissa għal kull ettaru bħala trasferiment tad-dħul?

5.8.1   M’hemmx dubju li ħafna rziezet jiddependu għall-għajxien tagħhom mill-baġit agrikolu tal-UE ta' madwar EUR 50 biljun li jiġi allokat lis-settur agrikolu Ewropew kull sena.

5.8.2   Għalhekk, il-prezzijiet tal-irziezet li qed jitħallsu bħalissa għalhekk mhux biss huma baxxi wisq biex jinżamm il-mudell agrikolu Ewropew, iżda qed jipperikolaw is-settur agrikolu Ewropew kollu.

5.8.3   Għal din ir-raġuni, qamet il-kwistjoni dwar jekk il-bdiewa madwar l-Ewropa kollha għandhomx jingħataw primjum “bażiku” u “tas-sigurtà tal-eżistenza” b’rata fissa għal kull ettaru.

5.8.4   Is-sitwazzjoni relatata mad-dħul tvarja ħafna fl-irziezet u r-reġjuni differenti. Id-differenzi msemmija f’punt 5.7.4 jaqdu rwol deċiżiv hawnhekk ukoll. Għaldaqstant, il-problema tad-dħul għandha tiġi indirizzata b’mod differenzjat ħafna wkoll. Lanqas din il-kwistjoni ma tista’ tiġi solvuta permezz ta' primjum b’rata fissa għal kull ettaru madwar l-Ewropa kollha, li jkun, pereżempju, ta' benefiċċju sproporzjonat għall-irziezet il-kbar u bi ftit ħaddiema.

5.8.5   Minflok primjum uniformi b’rata fissa għal kull ettaru, għandu jiġi kkunsidrat li jitħallas primjum skont in-numru ta' persuni jew ta' ħaddiema, li però jkun limitat. Anke soluzzjoni bħal din titlob li jiġu kkunsidrati d-differenzi fil-kalkolu tal-primjum, hekk kif jingħad fil-punt 5.7.4. Barra minn hekk, f’sistema ta' primjum bħal din għandu jitqies ukoll li d-dħul tal-irziezet jiddependi ħafna mill-prezzijiet tal-produttur u l-ispejjeż tal-produzzjoni u li dawn huma soġġetti għal fluttwazzjonijiet dejjem ikbar. Sistema li tipprova tkun iġġustifikata mil-livell tad-dħul għandha tkun tista’ tindirizza b’biżżejjed flessibbiltà l-fluttwazzjonijiet dejjem akbar fil-prezzijiet.

Perijodi ta' transizzjoni

5.9   Sistema Ewropea ta' pagamenti uniformi – din m’għandhiex tiġi konfuża mal-primjum uniformi Ewropew b’rata fissa għal kull ettaru – li tipprova tkun iġġustifikata mhux mid-drittijiet ta' pagamenti storiċi iżda mis-servizzi tal-preżent li għandhom jiġu definiti b’mod konkret ser tbiddel b’mod sostanzjali l-flussi finanzjarji bejn l-Istati Membri kif ukoll bejn l-irziezet. Għalhekk, mil-lat finanzjarju ser ikun hemm kemm rebbieħa kif ukoll telliefa. Il-KESE jemmen li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata b’mod sensittiv u li, jekk ikun hemm bżonn, jiġu previsti perijodi ta' transizzjoni. Però dawn għandhom jitfasslu b’tali mod li s-sistema l-ġdid tibda taħdem sa nofs jew, l-aktar l-aktar, sa tmiem il-perijodu ta' finanzjament il-ġdid.

5.10   Il-ġejjieni tat-tieni pilastru

5.10.1   Ħafna nies iħossu li xi elementi fit-tieni pilastru tal-PAK huma maħsuba biex jikkumpensaw għall-ħsara li jikkawżaw dawk li jfasslu l-politika meta jistabbilixxu parametri ħżiena.

5.10.2   Għandu jkun ċar għall-pubbliku li l-miżuri futuri offruti taħt it-tieni pilastru tal-PAK ser jikkomplementaw il-pagamenti diretti relatati ma' kompitu speċifiku u ser jintużaw b’mod saħansitra aktar immirat sabiex jinżamm il-mudell agrikolu Ewropew u jiġi salvagwardjat u applikat. Dan ifisser li l-firxa ta' miżuri disponibbli għandhom ikunu kemm jista’ jkun effettivi.

5.10.3   Dan ma japplikax biss għat-tieni assi attwali tat-tieni pilastru. L-appoġġ bl-investiment għall-irziezet għandu jkun ibbażat dejjem aktar fuq is-sostenibbiltà. Barra minn dan, il-KESE jħoss li hemm bla dubju bżonn sinifikanti ta' investiment fl-Ewropa, kemm biex l-irziezet ikunu jistgħu joperaw bl-aktar mod effettiv possibbli b’rabta mas-sostenibbiltà, kif ukoll biex, sa ċertu punt, jerġa’ jiġi ffurmat il-pajsaġġ kulturali tagħna li kultant, fil-passat, inbidel sempliċement biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-produzzjoni (ara, pereżempju, il-ġestjoni tal-ilma u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma).

5.10.4   Il-KESE huwa favur ukoll li l-firxa ta' kompiti li huma proposti bħalissa taħt it-tielet assi tat-tieni pilastru jiġu estiżi u jsiru kemm jista’ jkun effettivi. Nirrifjutaw bil-qawwi t-trasferiment ta' dan it-tip ta' kompiti għall-politika strutturali jew reġjonali ġenerali. Barra minn hekk, il-Kumitat ma jemminx li l-miżuri taħt il-FAEŻR attwali għandu jkollhom relazzjoni ċara mal-agrikoltura. Dan ma jinkludix il-bini tat-toroq u t-twaħħil tal-kejbils għall-broadband.

Brussell, 18 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  It-terminu li uża r-relatur (bäuerlich) ma jirreferix għad-daqs tal-irziezet, iżda jiddeskrivi l-mod kif il-bidwi jaħdem u jaħseb: organizzazzjoni f’ċikli interrelatati u komplementari, marbuta kemm jista’ jkun mar-razzett, orjentati lejn iż-żamma ta' impjiegi kwalifikati u varjati, marbuta mal-muniċipju u r-reġjun, b’sens ta' responsabbiltà lejn in-natura u l-annimali, u ppjanar f’termini ta' ġenerazzjonijiet.

(2)  Meta jogħlew il-prezzijiet tal-produzzjoni, malajr jogħlew ukoll il-prezzijiet għall-konsumaturi; però meta jonqsu l-prezzijiet min-naħa tal-produtturi, il-prezzijiet għall-konsumaturi jdumu biex jorħsu.

(3)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 81.

(4)  ĠU C 368, 20.12.1999, p. 76-86, ara punt 7.6.1 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 35.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/43


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-tema “Għal governanza ġdida tal-organizzazzjonijiet internazzjonali”

2010/C 354/07

Relatur: is-Sinjura VAN WEZEL

Korelatur: is-Sur CAPPELLINI

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu tal-25 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar it-tema

Għal governanza ġdida tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Marzu 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar is-17 u t-18 ta’ Marzu 2010 (seduta tas-17 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’132 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-ekonomija dinjija saret iktar integrata minn qatt qabel. Bi kriżijiet globali kbar f’dinja multipolari hemm bżonn ta’ governanza ġdida u iktar leġittimità għall-organizzazzjonijiet internazzjonali. Din il-leġittimità għandha tkun ibbażata fuq valuri, standards u objettivi komuni, fuq il-koerenza u l-effettività u l-inklussività tal-pajjiżi u ċ-ċittadini tagħhom kollha. Il-KESE jappoġġja lill-UE billi jieħu sehem attiv fl-iżvilupp ta’ governanza ġdida tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

1.2

Minn qabel il-kriżi attwali ntgħaraf il-bżonn ta’ riforma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, tal-organizzazzjonijiet tan-NU u tal-Istituzzjonijiet ta’ Bretton Woods iżda minn wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-proċess ta’ riforma kiseb momentum ġdid. Hekk kif deher ċar li l-impatt tal-kriżi finanzjarja kien irreversibbli, il-G20 kienu minn tal-ewwel li ppruvaw isibu soluzzjoni. Madanakollu, minkejja li r-riżultati tal-laqgħat tal-G20 intlaqgħu b’mod relattivament tajjeb, qed jitqajmu d-dubji dwar il-leġittimità ta’ din il-governanza. Il-KESE jitlob lill-UE tiżviluppa rabtiet effettivi bejn il-proċess tal-G20 u l-istituzzjonijiet rappreżentattivi tan-NU sabiex jissaħħaħ l-ECOSOC.

1.3

Il-pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw għandhom jingħataw rwol iktar prominenti fil-governanza tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-KESE jappoġġja iktar ristrutturar tal-Bank Dinji u tal-FMI sabiex tiżdied ir-rappreżentanza ta’ dawn il-pajjiżi.

1.4

Il-governanza tal-organizzazzjonijiet internazzjonali għandha tkun ibbażata fuq il-Karta tan-NU u fuq id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU. L-UE qed tippromovi iktar bis-sħiħ il-kooperazzjoni multilaterali u l-KESE jilqa’ din il-politika. Madanakollu l-KESE jinnota li l-ambjent li fih jiġu promossi l-valuri multilaterali inbidel u għalhekk jikkunsidra l-bżonn ta’ reviżjoni tal-Komunikazzjonijiet tal-KE dwar il-politiki tal-UE dwar il-multilateraliżmu. (1).

1.5

Minkejja li l-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom għanijiet ċari, mhumiex effettivi b’riżultat ta’ monitoraġġ xejn adegwat tas-segwitu tad-deċiżjonijiet u l-valutazzjoni tal-impatt tagħhom. L-UE żviluppat sistemi tal-monitoraġġ li huma prattika tajba u li jistgħu jiġu adottati fuq skala internazzjonali għall-monitoraġġ ta’ interventi kumplessi f’diversi livelli. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tintroduċi dawn is-sistemi ta’ monitoraġġ lill-organizzazzjonijiet internazzjonali.

1.6

Il-KESE jappoġġja ż-żieda fl-awtorità tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jirregolaw is-swieq finanzjarji fil-livell internazzjonali sabiex tiġi evitata kriżi finanzjarja oħra. Il-KESE jappoġġja iktar regolamentazzjoni fil-livell Ewropew u internazzjonali f’dawn l-oqsma: it-tisħiħ tar-riservi, ir-regolamentazzjoni tal-hedge funds, il-ftuħ tar-rifuġji fiskali, li tiġi skoraġġuta r-rimunerazzjoni eċċessiva, it-tnaqqis tar-riskju tal-ingranaġġ u t-tisħiħ sopranazzjonali tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza.

1.7

Il-KESE jappoġġja kull inizjattiva tal-UE li tħeġġeġ il-kooperazzjoni u l-koerenza bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tieħu inizjattiva sabiex issegwi l-inizjattiva tas-Sinjura Merkel u tiffaċilita djalogu formali bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex tippromovi l-kooperazzjoni bbażata fuq l-Aġenda tal-ILO tax-Xogħol Deċenti.

1.8

Il-KESE jilqa’ r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew li ssejjaħ għal ratifika mill-Istati Membri tal-UE tal-Konvenzjonijiet aġġornati tal-ILO u jappoġġja t-talba tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni li tipprepara Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri sabiex jirratifikaw il-Konvenzjonijiet aġġornati tal-ILO u li tikkontribwixxi b’mod attiv fl-implimentazzjoni tagħhom. Il-KESE jixtieq li jkun impenjat b’mod attiv fit-tħejjija ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

1.9

Il-KESE jirrikonoxxi l- “poter ta’ persważjoni” li tuża l-UE fl-istrutturi ta’ governanza tal-organizzazzjonijiet internazzjonali iżda l-Kumitat huwa tal-fehma li għal kull organizzazzjoni internazzjonali, l-UE għandha tiżviluppa strateġija sabiex iżżid il-poter u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha. Il-KESE għandu jiġi mismugħ fil-laqgħat konsultattivi huma u jiġu preparati dawn l-istrateġiji.

1.10

Il-KESE jispera li t-Trattat il-ġdid ta’ Lisbona, ir-Rappreżentant Għoli Ġdid għall-Affarijiet Barranin u l-kooperazzjoni diplomatika msaħħa ser jirriżultaw f’vuċi iktar magħquda u pożizzjoni aħjar tal-UE fl-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tkun koerenti fil-politiki esterni tagħha u konsistenti mal-objettivi tagħha.

1.11

Il-proċess ta’ tfassil tal-istruttura ta’ governanza ġdida mhux daqshekk trasparenti. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu inklużi u l-KESE jistenna li l-UE trendi iktar faċli l-aċċess għall-informazzjoni dwar dan il-proċess.

1.12

L-organizzazzjonijiet internazzjonali jsiru iktar effettivi meta jkunu miftuħa għall-konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili kif ukoll tat-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem. Huma għandhom jagħmlu parti mill-istrutturi konsultattivi u mis-sistema ta’ monitoraġġ. Il-KESE jistenna li l-UE (il-KE u l-Istati Membri) jippromovu u jiffaċilitaw konsultazzjoni mtejba mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fl-istrutturi ta’ governanza futuri tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

2.   Introduzzjoni

2.1

Id-diskussjoni dwar is-sistema ta’ governanza tal-organizzazzjonijiet internazzjonali mhix ġdida, iżda l-firxa rapida u l-impatt kbir tal-kriżi finanzjarja globali wriet id-dgħufija tal-governanza globali fl-ekonomija globalizzata. Hija wriet ukoll iż-żieda fl-interdipendenza tal-pajjiżi kollha. Mhux talli l-kriżi qed taffettwa l-ekonomiji kollha, iżda talli din inbidlet fi kriżi kbira fil-qasam tal-impjiegi li qed taffettwa miljuni ta’ ħaddiema u intrapriżi li diġà kienu vulnerabbli. Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt negattiv ta’ din il-kriżi u biex fil-futur tiġi evitata kriżi oħra, hemm bżonn li s-settur finanzjarju minn fejn bdiet il-kriżi jiġi regolat aħjar. Iżda l-ħidma ma tieqafx hawn. Sabiex tinħoloq ekonomija sostenibbli u bbażata fuq il-valur, għandha tinħoloq governanza tal-ekonomija dinjija ġdida u aktar effettiva, responsabbli u trasparenti.

2.2

Din l-opinjoni se tiffoka fuq l-organizzazzjonijiet internazzjonali li jmexxu l-politiki soċjali, ekonomiċi u finanzjarji, b’kunsiderazzjoni tal-proċessi ta’ riforma li għaddejjin bħalissa ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja: in-NU, id-WTO, l-ILO, il-Bank Dinji, l-FMI, l-OECD, il-G20 u l-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja.

2.3

Id-dinja qed tiffaċċja kriżijiet globali kbar li jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv fil-livell dinji biss. Dan ma japplikax biss għall-isfida tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali, iżda anki għall-kriżi tal-ikel, l-ilma u l-enerġija, iż-żieda fil-faqar, il-problemi ambjentali inklużi l-effetti tat-tibdil fil-klima, is-sigurtà u ż-żieda fil-migrazzjoni.

2.4

Il-globalizzazzjoni ġabet bidla fir-relazzjonijiet ekonomiċi u din għandha tiġi riflessa fl-istruttura globali tal-governanza eknomika. Ir-relazzjonijiet tal-poter qed jinbidlu f’kuntest fejn il-pajjiżi BRIC qed isiru ekonomikament, politikament u strateġikament aktar importanti. Is-sitwazzjoni dinjija miexja minn kuntest bipolari (il-Gwerra Bierda) għal wieħed unipolari (is-supremazija tal-Istati Uniti) għal wieħed multipolari. L-ekonomiji emerġenti u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jagħtu sehemhom fl-istituzzjonijiet li jiffurmaw il-mudell il-ġdid ta’ governanza dinjija.

2.5

Dawn l-isfidi jistgħu jiġu indirizzati biss mill-istituzzjonijiet li għandhom il-leġittimità. L-istruttura l-ġdida ta’ governanza tista’ tikseb din il-leġittimità jekk dawn ikunu koerenti fil-politiki tagħhom, effettivi fl-implimentazzjoni tagħhom u jinkludu n-nazzjonijiet kollha u ċ-ċittadini tagħhom.

2.6

Matul is-snin li għaddew, ittieħdu bosta inizjattivi sabiex tiġi evalwata s-sistema ta’ governanza dinjija tal-organizzazzjonijiet internazzjonali u ssir riforma tan-NU. Sar progress fl-approċċ tal-One UN Delivery fil-livell nazzjonali, bil-Koordinatur Residenti tan-NU fir-rwol tat-tmexxija. Fl-2009, il-Bord Eżekuttiv tal-Koordinazzjoni tas-Sistema tan-NU ħabbar 9 inizjattivi li kellhom jittieħdu mill-organizzazzjonijiet tan-NU u l-istituzzjonijiet ta’ Bretton Woods. Matul il-proċess biex tinstab struttura ġdida għall-governanza tal-ekonomija dinjija, qed jiġi suġġerit li jissaħħu r-rwol u l-kompetenza tal-ECOSOC. Sa mill-bidu tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-proċess ta’ riforma kiseb momentum ġdid bil-G20 fil-pożizzjoni mexxejja.

2.7

F’Pittsburgh, fl-Istati Uniti, fl-24 u l-25 ta’ Settembru 2009, il-kapijiet tal-G20 iddeċidew li jbiddlu l-governanza tal-organizzazzjonijiet internazzjonali b’mod sostanzjali. Huma ddeċidew li l-G20 ser ikun il-forum prinċipali għall-kooperazzjoni ekonomika internazzjonali ta’ bejniethom. Huma ddeċidew ukoll li jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jirregolaw is-swieq finanzjarji u biex ipoġġu l-impjiegi ta’ kwalità fil-qalba tal-irkupru ekonomiku. Huma qablu wkoll li jistabbilixxu Qafas għal Tkabbir Ekonomiku Sod, Sostenibbli, u Bbilanċjat u ħadu l-impenn li jfasslu miri komuni ta’ nofs it-term biex il-politiki makroekonomiċi, fiskali u kummerċjali jkunu konsistenti ma’ tkabbir sostenibbli u bbilanċjat tal-ekonomija globali. Huma taw l-awtorità lill-FMI biex jassistihom fil-valutazzjoni tal-politiki tagħhom sabiex jitħaffef id-djalogu bejniethom. B’hekk huma saħħew sew ir-rwol tal-FMI, li ngħata spinta tajba meta ngħata finanzjament addizzjonali ta’ US$ 500 biljun. L-awtorità tal-Bank Dinji fir-rigward tat-tnaqqis tal-faqar reġgħet ġiet ikkonfermata b’self addizzjonali (US$ 100 biljun) u b’attenzjoni speċjali fuq is-sigurtà tal-ikel u l-enerġija għall-fqar. Il-mexxejja tal-G20 se jerġgħu jiltaqgħu f’Ġunju 2010 fil-Kanada, f’Novembru 2010 fil-Korea u fl-2011 fi Franza.

2.8

Il-mexxejja tal-G20 qablu li jimmodernizzaw l-istruttura tal-kooperazzjoni ekonomika. Id-dritt tal-vot fil-FMI għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jiżdiedu b’5 % bir-riskju li ekonomiji iżgħar ikunu rappreżentati żżejjed. Il-Bank Dinji wkoll huwa mitlub li jħares lejn ir-rappreżentazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istruttura tiegħu tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

2.9

Madanakollu, minkejja li r-riżultati tal-laqgħat tal-G20 intlaqgħu b’mod relattivament tajjeb, qed jitqajmu d-dubji dwar il-leġittimità ta’ din il-governanza. L-ifqar pajjiżi tad-dinja tħallew barra mid-dibattitu. L-aġenda tal-G20 mhix ibbażata fuq politika li jeżisti qbil ġenerali dwarha, u ftit mill-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti huma involuti b’mod attiv. Fost in-NU hemm tħassib kbir li r-rwol tan-NU qiegħed jonqos, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet soċjoekonomiċi. Għandu jinstab bilanċ ġdid bejn ir-rwol il-ġdid tal-G20, in-NU, l-aġenziji tan-NU u l-Istituzzjonijiet ta’ Bretton Woods. Huwa mistenni li jinbtu inizjattivi u ideat ġodda li jbiddlu r-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi b’mod permanenti u rapidu.

2.10

Il-pajjiżi tal-G20 għandhom jiżviluppaw rabtiet effettivi mal-proċessi rappreżentattivi tan-NU sabiex jitqiesu l-interessi tal-pajjiżi tad-dinja kollha fi struttura globali ġdida u inklussiva li tiġi akkumpanjata mit-twaqqif ta’ Kunsill tas-Sigurtà Ekonomika u Soċjali tan-NU, ECOSOC riformat b’mod sħiħ b’setgħa msaħħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet jew “Kunsill Dinji Ekonomiku” (2). F’dawn il-bidliet kollha, l-UE għandha tieħu pożizzjoni u xi osservaturi jibżgħu li l-bidla fil-bilanċ tal-poter ser iddgħajjef l-influwenza tal-Ewropa fil-livell internazzjonali.

2.11

F’dan il-proċess bilkemm qed jissemma r-rwol tas-soċjetà ċivili u tal-imsieħba soċjali. Il-KESE jirrakkomanda li l-G20 jagħti spazju formali lis-soċjetà ċivili u lill-imsieħba soċjali u jħeġġeġ lill-Ministri tax-Xogħol tal-G20 li fil-ħidma tagħhom jinvolvu l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw l-imsieħba soċjali fil-livell internazzjonali. Minkejja li xi organizzazzjonijiet internazzjonali jagħtu status konsultattiv lill-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-proċess b’mod ġenerali huwa nieqes mit-trasparenza u organizzazzjonijiet rappreżentattivi bħall-KESE u l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali għandhom jiġi involuti b’mod iktar attiv.

3.   Governanza ġdida: il-prinċipji

3.1

Kwalunkwe governanza ġdida tal-organizzazzjonijiet internazzjonali għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji u l-valuri tan-NU. Filwaqt li l-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha jista’ jkollhom l-istruttura tal-governanza tagħhom, it-tħaddim tagħhom għandu jkun ibbażat fuq il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet ugwali għall-irġiel u n-nisa. Hija għandha tkun ibbażata fuq il-ġustizzja u r-rispett lejn it-trattati u l-istandards internazzjonali. Hija għandha tippromovi progress soċjali u standards ta’ għajxien aħjar f’iktar libertà. Struttura ta’ governanza ġdida għall-organizzazzjonijiet internazzjonali għandha tippromovi l-iżvilupp sostenibbli u l-inklużjoni soċjali u għandha tindirizza l-problemi globali kbar b’mod effettiv.

3.2

Il-valuri tal-Karta tan-NU u d-Dikjarazzjoni tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem huma wkoll il-valuri tal-Unjoni Ewropea. L-UE hija bbażata fuq il-prinċipji tal-libertà u d-dinjità, id-djalogu u l-istabbiltà u r-rispett lejn il-ftehimiet internazzjonali. L-UE ilha tippromovi bis-sħiħ il-multilateraliżmu, in-NU u t-trattati tagħha. Il-KESE jappoġġja dan. Madanakollu, il-KESE jinnota bidla fl-ambjent tal-promozzjoni tal-valuri multilaterali u għalhekk jikkunsidra l-bżonn ta’ reviżjoni tal-Komunikazzjonijiet tal-KE u l-politiki tal-UE fil-qasam tal-multilateraliżmu. (COM(2001)231: Nibnu sħubija effettiva man-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-iżvilupp u kwistjonijiet umanitarji. (COM(2003)526: L-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti: l-għażla għall-Multilateraliżmu).

3.3

Struttura ġdida ta’ governanza għall-ekonomija dinjija għandha tkun ibbażata fuq il-Patt Internazzjonali tad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u tkun iċċentrata fuq l-indirizzar ta’ kwistjonijiet soċjali urġenti bħall-qgħad, il-faqar, is-sigurtà tal-ikel u l-inugwaljanza li qed tiżdied. Hija għandha tikkontribwixxi għall-ġustizzja soċjali u għal dinja aktar ġusta u għandha taqdi rwol akbar fil-promozzjoni ta’ ekonomija ekoloġika u fil-protezzjoni tal-beni pubbliċi bħall-ilma nadif u l-arja nadifa, il-bijodiversità u t-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2

4.   Governanza ġdida: iżjed kooperazzjoni, iktar koerenza u effettività

4.1

Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll lil istituzzjonijiet Ewropej oħra biex jippromovu governanza ġdida tal-organizzazzjonijiet internazzjonali b’mod attiv, bil-għan li din iżżid il-koerenza tagħhom u tagħmilhom aktar effettivi fil-kontribut tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll għall-ħolqien ta’ xogħol deċenti u intrapriżi sostenibbli.

4.2

Għalkemm l-organizzazzjonijiet internazzjonali, u n-NU u l-aġenziji tagħha b’mod partikolari, għandhom għanijiet ċari, ħafna drabi tonqoshom l-effettività. Anki jekk l-għanijiet ikunu saru formali fi trattati u standards internazzjonali, ħafna drabi l-implimentazzjoni ma tkunx adegwata u għad hemm bżonn ta’ sistema effettiva għall-valutazzjoni tal-impatt. Governanza ġdida tal-organizzazzjonijiet internazzjonali għandha titfa’ iktar enfasi fuq l-infurzar u s-segwitu tad-deċiżjonijiet tagħha.

4.3

Il-monitoraġġ qed isir strument importanti sabiex tkun tista’ tiġi garantita l-implimentazzjoni tal-politika u sabiex il-mexxejja u dawk li jfasslu l-politika jingħataw sinjali ta’ kif għandhom jiffukaw fuq l-oqsma li jikkonċernawhom l-iktar. Huwa jipprovdi wkoll “twissijiet bikrija” li jippermettu intervent f’waqtu u adegwat. Il-KESE jissuġġerixxi li dan l-approċċ jiġi użat u żviluppat flimkien mal-bżonnijiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali fuq skala internazzjonali ikbar u iktar koordinata għax l-esperjenza Ewropea fil-monitoraġġ ta’ interventi kumplessi f’diversi livell kellha suċċess u stimulat il-kapaċità ta’ tmexxija komuni tal-awtoritajiet pubbliċi, il-professjonisti u s-settur privat.

4.4

L-organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jkunu iktar effettivi jekk isaħħu l-għanijiet ta’ xulxin. Uħud mill-organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom mekkaniżmi ta’ lment u arbitraġġ vinkolanti (id-WTO) filwaqt li oħrajn għandhom mekkaniżmi ta’ superviżjoni żviluppati tajjeb iżda mingħajr kompetenza ta’ infurzar (l-ILO). Il-politiki tal-organizzazzjonijiet internazzjonali m’għandhomx jikkontradixxu lil xulxin u biss jekk l-organizzazzjonijiet tan-NU, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u l-UE jaħdmu fimkien għall-promozzjoni tal-istandards ta’ xulxin bħall-ugwaljanza bejn is-sessi, is-sostenibbiltà, ix-xogħol deċenti u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, jistgħu jinkisbu l-għanijiet ta’ kull wieħed u waħda minnhom.

4.5

Il-governanza tal-istituzzjonijiet finanzjarji, il-FMI, il-Bank Dinji u l-Bord tal-Istabbiltà Finanzjarja tinsab fil-qalba tad-dibattitu dwar il-governanza internazzjonali tal-ekonomija dinjija. Il-ħtieġa li jiġu regolati s-swieq finanzjarji u li jsiru aktar trasparenti hija aktar urġenti minn qatt qabel, minħabba li m’għadux possibbli li jittieħdu miżuri adegwati fil-livell nazzjonali biss. Sabiex l-organizzazzjonijiet internazzjonali jkunu jistgħu jaħdmu b’mod aktar effettiv biex jiġu evitati l-kriżijiet fil-futur, il-KESE jappoġġja ż-żieda fl-awtorità tagħhom li jirregolaw is-swieq finanzjarji fil-livell internazzjonali mingħajr ma jsiru restrittivi, riġidi u burokratiċi żżejjed. Il-KESE jappoġġja iktar regolamentazzjoni fil-livell Ewropew u internazzjonali f’dawn l-oqsma: iktar riservi, regolamentazzjoni tal-hedge funds, ftuħ tar-rifuġji mit-taxxa, li tiġi skoraġġuta r-rimunerazzjoni eċċessiva u mhux raġonevoli, tnaqqis tar-riskju tal-ingranaġġ u t-tisħiħ sopranazzjonali tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza, fost kwistjonijiet oħra.

4.6

Hemm bżonn ta’ iktar kooperazzjoni internazzjonali sabiex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali. Ekonomija dinjija sigura teħtieġ iktar regolamentazzjoni bbażata iktar fuq il-valuri. Il-Kanċillier Ġermaniż, is-Sinjura Merkel ħadet inizjattiva importanti f’dan ir-rigward. Waqt laqgħa tal-WTO, il-Bank Dinji, il-FMI, l-ILO u l-OECD fil-bidu tal-2009 hija pproponiet Karta għall-Governanza Ekonomika Sostenibbli (3) li sservi ta’ bażi għal politiki koerenti sabiex jinkisbu għanijiet konġunti b’kull organizzazzjoni taħdem fil-qafas tal-mandat tagħha. Abbażi ta’ din il-Karta, f’Pittsburgh, il-mexxejja tal-G20 fasslu l- “Valuri Prinċipali għal Attività Ekonimika Sostenibbli” fejn ifformulaw ir-responsabbiltà tagħhom lejn partijiet interessati differenti – il-konsumaturi, il-ħaddiema, l-investituri u l-intraprendituri - sabiex iżidu l-prosperità tan-nies permezz ta’ strateġiji ekonomiċi, soċjali u ambjentali koerenti. L-OECD ippreparat “Standard Globali għas-Seklu 21” ibbażat fuq l-istandards li jeżistu għall-governanza korporattiva, l-intrapriżi multinazzjonali, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kooperazzjoni fiskali (4). Il-Kummissjoni Stiglitz tirrakkomanda miżuri b’saħħithom għal kontra t-tnaqqis fid-domanda u favur il-ħolqien tal-impjiegi u l-ksib tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Il-KESE jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw dawn l-inizjattivi.

4.7

L-ILO għandu jkollha rwol ċentrali fl-istruttura ta’ governanza l-ġdida. L-istandards tax-xogħol prinċipali tagħha u l-kunċett tax-xogħol deċenti u l-intrapriżi sostenibbli jservu ta’ gwida meta wieħed jiġi biex jindirizza l-kriżi tal-impjiegi. Matul it-98 Konferenza li saret f’Ġunju 2009, it-tliet partijiet kostitwenti tal-ILO qablu fuq Patt Globali għall-Impjiegi, pakkett ta’ miżuri maħsub bħala soluzzjoni għat-tnaqqis fix-xogħol u t-tendenzi tat-tkabbir. Il-KESE jitlob lill-UE tinsisti fuq djalogu formali bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali bbażat fuq l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO dwar l-impjieg, l-iżvilupp tal-intrapriżi, il-ħarsien soċjali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol umani, ir-relazzjonijiet tajba tax-xogħol u d-drittijiet fuq il-post tax-xogħol.

4.8

Biex tinkiseb aktar koerenza, il-Kumitat jirrakkomanda lill-UE li tippromovi kemm internament kif ukoll esternament ir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjonijiet aġġornati tal-ILO u l-implimentazzjoni tal-aġenda għal xogħol deċenti. Il-Kumitat iħeġġeġ b’mod partikolari r-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet li huma l-aktar rilevanti għall-aġenda għal xogħol deċenti, inklużi l-Konvenzjonijiet dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHS), il-Konvenzjonijiet dwar is-Sigurtà Soċjali u l-Konvenzjoni 94 dwar il-klawżoli tax-xogħol f’kuntratti pubbliċi. Ir-regoli tal-UE ma jeħilsux lill-Istati Membri mill-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjonijiet tal-ILO li ġew ratifikati. Il-KESE jappoġġja s-sejħa tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2009 sabiex tipprepara Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri sabiex jirratifikaw il-Konvenzjonijiet aġġornati tal-ILO u li jikkontribwixxu b’mod attiv fl-implimentazzjoni tagħhom. Wara l-opinjoni tal-KESE dwar Id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni  (5) u l-Promozzjoni tax-Xogħol Deċenti għal Kulħadd  (6), il-KESE jixtieq li jkun impenjat b’mod attiv fit-tħejjija ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

4.9

Barra minn hekk, il-KESE jappoġġja kull inizjattiva tal-UE li tħeġġeġ il-kooperazzjoni dwar suġġetti speċifiċi bejn organizzazzjonijiet internazzjonali. Eżempji tajba huma l-kooperazzjoni bejn id-WTO u l-ILO fuq ix-xogħol, il-kooperazzjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali bejn il-Bank Dinji u l-ILO, il-kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ standards Prinċipali ta’ Xogħol bejn il-Bank Dinji u l-FMI. L-aktar kwistjonijiet importanti huma l-impjiegi għaż-żgħażagħ, il-mikrofinanzjament u s-sigurtà soċjali.

5.   Governanza ġdida: inqisu iktar l-interessi tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw

5.1

Pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti għandu jkollhom rwol ikbar fi strutturi ġodda ta’ governanza globali li għandhom jiġu adottati mill-organizzazzjonijiet internazzjonali. Madanakollu, l-integrazzjoni tagħhom għandha tkun ibbażata fuq ir-regoli tan-NU u fuq ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem. L-għan li jiġu żgurati xogħol deċenti u l-implimentazzjoni tal-istandards prinċipali tax-xogħol tal-ILO fil-pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw għandu jiggwida l-politiki tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Bank Dinji u l-FMI għandhom ibiddlu l-istruttura tagħhom sabiex iżidu r-rappreżentazzjoni u s-saħħa tal-ifqar pajjiżi fl-istituzzjonijiet u l-proċessi tagħhom.

5.2

Hemm bżonn li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jingħataw l-għajnuna sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tad-WTO. Huma għandhom ikunu preparati biżżejjed sabiex jipparteċipaw b’mod iktar attiv fin-negozjati kummerċjali u jiġu mħeġġa jtejbu l-livell tal-għarfien tagħhom dwar kwistjonijiet kummerċjali kif ukoll il-kapaċitajiet tekniċi u l-kompetenzi fil-qasam tal-integrazzjoni tas-suq. Il-pajjiżi li qed jiżviluppw għandhom jingħataw spazju leġittimu fil-qasam tal-politika fir-relazzjonijiet tal-kummerċ.

5.3

F’Marzu 2009, l-IMF analizzat il-vulnerabbiltà tal-pajjiżi bi dħul baxx għall-effetti tal-kriżi finanzjarja globali u r-reċessjoni li segwiet (7). Skont l-istimi tal-ILO, iktar minn 200 miljun persuna, ħafna minnhom ġejjin minn ekonomiji li qed jiżviluppaw jew dawk emerġenti, jistgħu jispiċċaw jgħixu f’faqar estrem. L-għadd ta’ persuni fqar li jaħdmu, jiġifieri dawk li jaqilgħu inqas minn US$ 2 kuljum, jista’ jiżdied għal US$ 1,4 biljuni u jibgħat lura l-progress li sar fil-qasam tat-tnaqqis tal-faqar dinji f’dawn l-aħħar għaxar snin. Iż-żieda fil-faqar se taffettwa l-aktar lin-nisa, meta jitqies li 60 % tal-ifqar persuni fid-dinja huma nisa. F’dan il-kuntest hemm bżonn li jsiru sforzi addizzjonali sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE timpenja ruħha b’forza kbira sabiex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju.

6.   Xi rwol tista’ taqdi l-UE biex tippromovi governanza ġdida tad-diversi organizzazzjonijiet internazzjonali?

6.1

L-UE għandha rwol speċjali f’din ix-xena internazzjonali. L-Unjoni Ewropea hija l-aktar esportatur importanti fid-dinja, l-aktar donatur importanti tal-għajnuna lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u s-suq ta’ referenza madwar id-dinja. Madanakollu, ir-riċerka turi li l-UE qiegħda titlef l-importanza tagħha fin-NU (8). L-UE llum qiegħda tingħata inqas appoġġ għar-riżoluzzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Assemblea Ġenerali minn għaxar snin ilu minħabba ż-żieda fl-influwenza ta’ pajjiżi li jirreżistu l-interferenza “fl-affarijiet interni” bħaċ-Ċina u r-Russja (9).

6.2

L-UE għandha ħafna x’titlef fis-sistema ta’ governanza dinjija. Il-mudell tas-suq soċjali tal-UE huwa uniku u wera li huwa partikolarment adattat biex jindirizza l-problemi kumplessi tal-kriżi finanzjarja attwali. L-UE u l-istituzzjonijiet tagħha jridu jieħdu passi konkreti biex jissalvagwardjaw l-interessi tagħhom u jżommu l-pożizzjoni tagħhom u biex jippromovu l-valuri tal-UE.

6.3

L-UE hija rrappreżentata fl-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha li għandhom x’jaqsmu mal-governanza tal-ekonomija dinjija, sew bil-preżenza tal-pajjiżi membri fil-Bord ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, bil-koordinazzjoni tal-politiki tal-membri f’dawn l-organizzazzjonijiet, sew bir-rappreżentazzjoni mill-membru li jkollu l-presidenza diretta bi stat rappreżentattiv tal-KE. F’ħafna mill-organizzazzjonijiet internazzjonali l-UE għandha biss status ta’ osservatur (l-eċċezzjonijiet huma fid-WTO u l-FAO) u tistrieħ fuq il- “poter tal-persważjoni” biex teżerċita l-influwenza tagħha. Għalkemm dan il- “poter tal-persważjoni” u n-netwerk ta’ rieda tajba tal-UE jistgħu jkunu effettivi, l-UE għandha tħabrek għal pożizzjonijiet formali fejn hu possibbli. Għal kull organizzazzjoni internazzjonali l-UE għandha tiżviluppa strateġija biex iżżid il-poter tagħha u ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha biex tippromovi governanza iktar effettiva u ġusta ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

6.4

Fl-FMI, l-UE hija rrappreżentata minn kelliema differenti (il-President tal-EURIMF, il-BĊE, il-President tal-Eurogroup, il-Ministru tal-Finanzi tal-Presidenza tal-UE) u d-diverġenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward ta’ kwistjonijiet finanzjarji u tal-iżvilupp ixekklu lill-Ewropa milli titkellem b’vuċi waħda. Filwaqt li l-KE għandha l-awtorità li titkellem f’isem l-UE dwar kwistjonijiet finanzjarji u ekonomiċi oħra, anki s-16-il Stat Membru tal-UE li għandhom munita unika u li ddelegaw uħud mill-kompetenzi tagħhom lill-BĊE, mhux neċessarjament jieħdu pożizzjoni komuni. Minħabba l-importanza miżjuda tal-istituzzjonijiet ta’ Bretton Woods, b’mod partikolari l-FMI, hemm bżonn urġenti li l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha jtejbu l-koordinazzjoni tagħhom fil-governanza ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Il-pajjiżi tal-UE flimkien għandhom 32 % tad-drittijiet tal-vot fl-FMI meta mqabbla mal-Istati Uniti li għandhom 17 %. It-tnaqqis fl-influwenza ta’ membri iżgħar tal-UE biex jitħalla spazju għal ekonomiji emerġenti jista’ jiġi kkumpensat biss b’politika tal-UE aktar koordinata.

6.5

Il-KESE jitlob lill-UE tħeġġeġ lill-FMI jippromovi politiki li jipprovdu aċċess għall-kreditu u l-finanzjament, għall-SMEs u l-bdiewa b’mod partikolari għax fl-ekonomiji nazzjonali kollha, dawn is-setturi huma l-qofol u l-ikbar provvedituri tal-impjiegi. Il-KESE jitlob ukoll li l-UE tħeġġeġ l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali sabiex ipoġġi l-fondi għad-disponibbiltà tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jimplimentaw miżuri kontroċikliċi u b’hekk iżommu lura minn rabtiet kundizzjonali proċikliċi.

6.6

Sa mill-2000, l-UE żiedet il-kontribut finanzjarju tagħha fil-Bank Dinji b’mod sinifikanti (EUR 241 miljun fl-2008). Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tal-Bank Dinji fl-eliminazzjoni tal-faqar u jirrakkomanda li l-UE tħeġġeġ il-Bank Dinji jadotta politiki ta’ żvilupp ekonomiku li jinkludu x-xogħol deċenti kif ukoll l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u beni pubbliċi oħra. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE biex tappoġġja lill-Bank Dinji biex jiffinanzja pjanijiet ta’ rilanċ ikkoordinati għall-pajjiżi milquta mill-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali li jiffukaw fuq l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ intrapriżi sostenibbli, il-ħolqien ta’ impjiegi, l-investiment pubbliku, il-politiki attivi għas-suq tax-xogħol, l-estensjoni ta’ sigurtà soċjali bażika għal kulħadd, xbieki ta’ sigurtà addizzjonali għal dawk l-iktar vulnerabbli u l-investiment f’ “ekonomija ekoloġika”.

6.7

Fil-qafas tat-Trattat il-ġdid ta’ Lisbona, il-Parlament Ewropew għandu kompetenzi ta’ kodeċiżjoni fl-oqsma tal-politika tal-kummerċ. Għall-KESE dan ifisser opportunitajiet ġodda biex isaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-Parlament u l-Kummissjoni fil-kwistjonijiet tal-kummerċ. Il-KESE pprepara bosta opinjonijiet rilevanti dwar kwistjonijiet ta’ kummerċ u dwar il-bżonn li l-politiki ta’ kummerċ ikunu koerenti mal-politiki soċjali u ambjentali tal-UE (10) .

6.8

L-UE qed tinvesti ħafna ħin fil-koordinazzjoni tal-fehmiet u l-pożizzjonijiet tagħha fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u b’hekk jibqgħalha inqas ħin u sforz sabiex tikseb l-appoġġ tal-membri l-oħra tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità hija waħda mill-eċċezzjonijiet pożittivi reċenti. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jappoġġjaw pożizzjoni konġunta. Il-KESE jinnota li l-votazzjoni fil-pajjiżi membri tal-UE tirrifletti konverġenza u tħeġġeġ lill-UE tipprepara li titkellem b’vuċi waħda sabiex tevita li titlef l-influwenza għax il-membri ma jaqblux. Huwa ttamat li t-Trattat ta’ Lisbona ser jikkontribwixxi sabiex din is-sitwazzjoni tittejjeb. L-aċċettazzjoni tat-Trattat il-ġdid ta’ Lisbona, tal-pożizzjoni l-ġdida tar-Rappreżentat Għoli u l-kooperazzjoni diplomatika msaħħa huma opportunità biex tiżdied il-pożizzjoni internazzjonali tal-UE.

6.9

Governanza mtejba tal-organizzazzjoni internazzjonali, b’aktar koerenza u għalhekk aktar effettività għandha tibda fil-livell lokali. Il-politiki tal-UE fin-NU u fl-aġenziji tan-NU, fil-G20 u fl-Istituzzjonijiet ta’ Bretton Woods għandhom ikunu soġġetti għall-istess prinċipji u jippromovu l-istess għanijiet, fi ħdan il-mandat u l-istruttura tal-organizzazzjonijiet differenti. Hemm bżonn ta’ iktar sforz sabiex jiġu żviluppati politiki koerenti fl-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-politika tal-UE dwar il-Koerenza għall-Iżvilupp hija eżempju pożittiv. Il-KESE jirreferi wkoll għall-koerenza bejn il-politiki interni u esterni fl-Istrateġija ta’ Lisbona (11).

7.   Konsultazzjoni u involviment aħjar tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

7.1

Il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili hija prekundizzjoni għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-valuri li huma fundamentali għall-organizzazzjonijiet internazzjonali. Is-soċjetà ċivili għandha ħafna x’titlef fil-governanza tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-kriżi reċenti wriet li s-soċjetà ċivili, li tinkludi lil dawk li jħallsu t-taxxi, il-ħaddiema, il-konsumaturi, dawk li jfaddlu, is-sidien tad-djar u l-intraprendituri, ħallset prezz għoli għal governanza dinjija insuffiċjenti u ineffettiva.

7.2

L-istruttura l-ġdida tal-governanza qiegħda tissawwar fil-laqgħat diplomatiċi ta’ livell għoli ta’ matul is-summits. Dan il-proċess mhuwiex daqshekk trasparenti. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali ftit li xejn għandhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċess, wisq inqas aċċess għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-trejdjunjins jippruvaw jimmobilizzaw l-opinjoni pubblika u jipperswadu lill-gvernijiet tagħhom biex jikkomunikaw l-ideat tagħhom dwar l-istruttura futura tal-governanza tal-ekonomija dinjija. Uħud mill-partijiet tal-komunità tan-negozju jiġu kkonsultati filwaqt li oħrajn jitħallew barra. Il-vuċi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali għandha tinstema’ aħjar fil-proċess politiku tal-UE kif ukoll fl-organizzazzjonijiet internazzjonali.

7.3

Jeżistu diversi eżempji ta’ prattika tajba fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali u ta’ parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata fil-governanza tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Fil-livell internazzjonali jispikka l-eżempju tal-ILO. Ir-rappreżentanti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema jipparteċipaw bl-istess mod bħall-gvernijiet fl-istituzzjonijiet kollha tal-ILO, sew fil-governanza, fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fit-twaqqif ta’ standards jew fis-sorveljanza. Il-Kunsilli Konsultattivi għan-Negozju (BIAC) tal-OECD u t-trejdjunjins (TUAC) huma eżempji tajba oħra ta’ konsultazzjoni istituzzjonalizzata tal-imsieħba soċjali. Il-konsultazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra ftit jinvolvu lill-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħra tas-soċjetà ċivili bħall-istatus konsultattiv tal-NGOs fin-NU jew saħansitra anki ma jinvolvuhomx bħal fil-G20. Il-governanza effettiva tal-organizzazzjonijiet internazzjonali ser tissaħħaħ permezz tal-parteċipazzjoni istituzzjonalizzata tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali b’mod trasparenti. L-organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jsiru iktar effettivi meta l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jiġu inklużi fis-segwitu u l-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ twissija bikrija tagħhom.

7.4

Il-KESE jistenna li l-UE tinkludi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fl-iżvilupp tal-politiki u l-pożizzjonijiet tagħha għal governanza ġdida tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-KESE jistenna wkoll li l-UE tippromovi fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali r-rieda li jiġu kkonsultati s-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali huma u jiddiskutu l-istrutturi ta’ governanza tagħhom. Konsultazzjoni sinifikattiva tassumi trasparenza u aċċess faċli għad-dokumenti fi ħdan limitu ta’ żmien li jippermetti li l-fehmiet tal-partijiet interessati jitqiesu u jiġu inkorporati.

7.5

Il-KESE jistenna li l-UE (il-KE u l-Istati Membri) jippromovu u jiffaċilitaw konsultazzjoni mtejba tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali fl-istrutturi ta’ governanza futuri tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2001)231: Nibnu sħubija effettiva man-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-iżvilupp u kwistjonijiet umanitarji u COM(2003)526: L-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti: l-għażla għall-Multilateraliżmu

(2)  Skont ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Esperti mmexxijja mill-Prof. Joseph Stiglitz huma u jagħtu pariri fil-Konferenza tan-NU dwar il-Kriżi Ekonomika u Finanzjarja Dinjija u l-Impatt tagħha fuq l-Iżvilupp, Ġunju 2009.Il-Kummissjoni ta’ Stiglitz irrakkomandat ukoll li titwaqqaf Pjattaforma ta’ Esperti bħala konsulent għall-Kunsill.

(3)  Stqarrija konġunta għall-istampa mill-Kanċillier Merkel, 5 ta’ Frar 2009, Berlin.

(4)  Angel Gurría, Segretarju Ġenerali tal-OECD, Ruma, 12 ta’ Mejju 2009.

(5)  ĠU C 234, 22.9.2005, p. 41.

(6)  ĠU C 93, 27.4.2007, p. 38.

(7)  FMI, “L-Implikazzjonijiet tal-Kriżi Finanzjarja Globali għall-Pajjiżi bi Dħul Baxx”, Marzu 2009.

(8)  Richard Gowan, Franziska Brantner: A global Force for Human Rights? An audit of European Power at the UN. Il-Kunsill tal-Ewropa għar-Relazzjonijiet Esterni, Settembru 2008. www.ecfr.eu

(9)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 13.

(10)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 82.

(11)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 41.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/50


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent”

2010/C 354/08

Relatur: is-Sur ZOLTVÁNY

Matul is-sessjoni plenarja tas-16 ta’ Lulju 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Marzu 2010. Ir relatur kien is-Sur Zoltvány.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010 (sessjoni tas-17 ta’ Marzu ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’132. vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1   Rakkomandazzjonijiet

1.1   Rakkomandazzjonijiet lill-Unjoni Ewropea (il-Kummissjoni Ewropea)

it-tkomplija tal-proċess ta’ tkabbir u

it-tħaffif tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża mal-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina sabiex iċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża lejn il-pajjiżi tax-Schengen. Barra minn hekk, għandhom jitnedew in-negozjati mal-Kosovo (1) dwar din il-kwistjoni;

il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi disponibbli kollha ta’ finanzjament sabiex ikun hemm investiment kbir kemm jista’ jkun fi proġetti ta’ infrastruttura u l-użu tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent li għadu kif ġie stabbilit għal dan il-għan;

iż-żamma tad-dimensjoni soċjali bħala prijorità meta jiġi implimentat it-trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport. Il-Forum Soċjali għandu jiġi appoġġjat sabiex isir strument effettiv għad-djalogu soċjali settorjali mtejjeb fil-livell reġjonali;

l-appoġġ għall-bidliet lejn mezzi tat-trasport li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent bħall-passaġġi tal-ilma interni u l-linji ferrovjarji fil-Balkani tal-Punent;

il-kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt soċjoekonomiku tan-netwerks tat-trasport matul l-iżvilupp ta’ politika komuni tat-trasport;

l-appoġġ għall-aġġornament tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali b’konformità mal-ħtiġijiet;

il-kunsiderazzjoni tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk bħala parti futura tat-TEN-T fil-proċess tar-Reviżjoni tal-Politika tat-TEN-T, bħala appoġġ għall-integrazzjoni addizzjonali tal-Balkani tal-Punent fl-UE;

it-tnedija ta’ studju dwar l-impjiegi fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tat-Trasport tal-Balkani tal-Punent. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni adatta lill-iżvilupp ta’ programmi tat-taħriġ kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu aħjar għall-bidliet fis-suq tax-xogħol; u

l-allokazzjoni suffiċjenti ta’ riżorsi umani fl-affarijiet soċjali u d-djalogu soċjali fis-segretarjat tal-komunità tat-trasport.

1.2   Rakkomandazzjonijiet lill-KESE

it-tħeġġiġ tal-imsieħba soċjali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, permezz tal-ħidma tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti, biex jaqdu rwol attiv fid-djalogu soċjali kemm fil-livelli nazzjonali kif ukoll reġjonali;

l-organizzazzjoni ta’ konferenza dwar il-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-Kummissjoni Ewropea u l-KESE; u

l-identifikazzjoni ta’ mekkaniżmi biex tiġi stabbilita u istituzzjonalizzata l-kooperazzjoni futura mal-forum soċjali reġjonali li għandu jitwaqqaf skont it-trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport.

1.3   Rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-politika tat-trasport u l-infrastruttura tat-trasport;

l-iżgurar ta’ pjanar effiċjenti tal-investiment pubbliku ta’ interess reġjonali fis-settur tat-trasport u iktar tisħiħ tal-kapaċità fis-settur tat-trasport;

l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa u t-tħaffif tal-proċess ta’ adozzjoni tal-acquis Komunitarju;

l-isfruttar tal-opportunitajiet għal finanzjament privat/kofinanzjament ta’ proġetti prijoritarji kif ukoll ta’ proġetti komplementari (sħubijiet pubbliċi-privati) u l-ħolqien ta’ ambjent adatt għal dan it-tip ta’ proġetti;

titjib fit-trasparenza tal-akkwist pubbliku;

titjib tal-ġestjoni tal-fruntieri u żieda fil-kapaċità tal-qsim tal-fruntieri bil-għan li jħaffu u jtejbu l-kwalità tat-trasport fil-livell reġjonali;

l-iżvilupp ta’ politiki koerenti fil-livell reġjonali li jħeġġu t-trasport intermodali u l-użu ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti;

it-tkomplija tat-titjib fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien u r-riżoluzzjoni tal- kwistjonijiet pendenti fir-relazzjonijiet bilaterali;

il-parteċipazzjoni attiva fl-iżvilupp tal-Istrateġija tad-Danubju, li qed titħejja bħalissa, sabiex jieħdu vantaġġ mill-proġetti konġunti infrastrutturali mal-membri tal-UE u l-pajjiżi ġirien; u

l-involviment tal-imsieħba soċjali, kif ukoll ta’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-iżvilupp tal-politika reġjonali tat-trasport u l-konverġenza bejn il-politiki u r-riformi tal-impjieg.

2   Sfond tal-opinjoni

2.1   Ir-rwol tat-trasport u tal-infrastruttura fil-kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent huwa meqjus bħala fattur ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent. L-iżvilupp tan-netwerk prinċipali tat-trasport reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk (Netwerk Prinċipali) jirrappreżenta opportunità eċċellenti għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jinkorporaw l-interessi tagħhom u jfittxu soluzzjonijiet ekonomikament u soċjalment vantaġġużi – u favur l-ambjent – li huma ta’ benefiċċju għar-reġjun kollu. F’termini ta’ żvilupp ekonomiku, l-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali reġjonali għandha impatt pożittiv fuq l-ekonomiji reġjonali, tikkontribwixxi sabiex is-swieq tagħhom ikunu miftuħa għal inizjattivi kummerċjali ġodda, u tagħmel l-iskambji kummerċjali bejn il-pajjiżi tar-reġjun aktar effiċjenti. L-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport reġjonali jgħin b’mod partikolari lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jindirizzaw ir-rati għoljin ta’ qgħad u b’hekk itejjeb l-iżvilupp ekonomiku ġenerali tar-reġjun. Opportunitajiet aħjar ta’ impjieg u mobbiltà akbar tal-ħaddiema jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp soċjali. Barra minn hekk, in-netwerk tat-trasport reġjonali jtejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali u l-kuntatti bejn il-persuni. Peress li t-trasport għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent, huwa essenzjali li l-kwistjonijiet ambjentali jiġu adottati fl-iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali.

L-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Reġjonali jinkludi wkoll dimensjoni politika qawwija. Bl-iżvilupp ta’ proġetti infrastrutturali, il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, flimkien mal-partijiet l-oħra kkonċernati, jistgħu jagħtu xhieda tar-rieda tagħhom li jegħlbu t-tensjonijiet bilaterali u l-problemi tal-passat reċenti. Għaldaqstant, l-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Reġjonali jikkontribwixxi għall-integrazzjoni reġjonali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

2.2   Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fl-iżvilupp tal-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent

2.2.1

L-UE għandha interess dirett fil-Balkani tal-Punent peress li dan ir-reġjun jinsab fil-qalba tal-Ewropa. Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent huma kandidati jew kandidati potenzjali għas-sħubija fl-UE. Biex jiksbu dan il-għan, iridu jissodisfaw il-kriterji u l-kondizzjonijiet kollha meħtieġa għas-sħubijia. Il-kooperazzjoni reġjonali hija waħda mill-prekondizzjonijiet meħtieġa biex l-integrazzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea tirnexxi u għalhekk hija wkoll element essenzjali tal-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni (PSA). Għaldaqstant, l-UE lesta tappoġġja l-iżvilupp ta’ proġetti reġjonali, inkluż in-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali li jaqdi rwol kruċjali.

2.2.2

L-UE tqis li t-trasport huwa qasam ta’ politika ovvju u adatt għal kooperazzjoni reġjonali effiċjenti u għalhekk temmen li l-politika tat-trasport tal-Balkani tal-Punent tista’ tkun wiesgħa ħafna u tħeġġeġ lir-reġjun biex jikkonforma mal-acquis. Il-fatt li erba’ mill-għaxar Kurituri Pan-Ewropej jgħaddu mill-Balkani tal-Punent isaħħaħ iktar l-importanza tal-politika tat-trasport. Il-politika tat-trasport tal-UE fir-reġjun għandha tliet għanijiet prinċipali. L-ewwel għan huwa li ttejjeb u timmodernizza n-Netwerk tat-Trasport tal-Ewropa tax-Xlokk għall-finijiet tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku. It-tieni għan hu li ttejjeb it-traffiku fuq in-netwerk billi timplimenta miżuri mhux vinkolanti / trasversali. It-tielet għan hu li tgħin lir-reġjun jikkonforma mal-acquis tat-trasport. Biex timplimenta dawn il-prijoritajiet, l-UE bħalissa qed tinnegozja trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (ara punt 4.3 hawn taħt).

3   Deskrizzjoni tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali

In-Netwerk Prinċipali ġie definit fil-Memorandum ta’ Ftehim dwar l-iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk bħala netwerk multimodali li jinkludi konnessjonijiet bit-triq, ferrovjarji u fuq passaġġi tal-ilma interni fis-seba’ pajjiżi parteċipanti tal-Balkani tal-Punent – l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo (2), flimkien ma’ għadd ta’ portijiet tal-baħar, portijiet tax-xmajjar u ajruporti speċifiċi.

In-Netwerk Prinċipali tat-Toroq u dak Ferrovjaru jikkonsisti minn kurituri u rotot. Il-kurituri huma definiti bħala l-Kurituri Pan-Ewropej stabbiliti (PEC) V, VII, VIII u X li jipprovdu konnessjonijiet internazzjonali mal-UE. Ir-rotot, fosthom seba’ rotot tat-toroq u sitt rotot ferrovjarji, jikkompletaw in-Netwerk Prinċipali bil-għan li jkun hemm interkonnessjonijiet bejn il-bliet kapitali fir-reġjun u l-bliet kapitali fil-pajjiżi ġirien. L-għan huwa wkoll li jkun hemm konnessjonijiet bejn il-bliet reġjonali ewlenin biex ikun hemm aċċess għall-portijiet (u l-ajruporti) tan-Netwerk Prinċipali u li jiġi żgurat servizz adegwat għaż-żoni mbiegħda tar-reġjun. In-Netwerk Prinċipali tal-Passaġġi tal-Ilma Interni jikkonsisti mill-Kuritur VII (id-Danubju) u x-xmara Sava.

3.1   In-netwerk prinċipali tat-toroq

It-tul totali tan-netwerk prinċipali tat-toroq huwa 5 975 km, u dan jikkonsisti minn 3 019-il km ta’ kurituri u 2 956 km ta’ rotot. Skont id-data li ngħatat lill-Osservatorju tat-Trasport tal-Ewropa tax-Xlokk, 13,2 % tan-Netwerk Prinċipali tat-trasport huwa kklassifikat bħala ħażin jew ħażin ħafna, filwaqt li kważi 87 % tat-toroq ġew ikklassifikati f’kondizzjoni medja sa tajba ħafna (3).

Is-settur tat-toroq huwa s-settur dominanti u dan ifisser ukoll li jiġi allokat għalih l-ikbar ammont ta’ fondi. Jeħtieġ li tittejjeb il-kwalità tat-toroq sabiex jitnaqqsu d-dewmien, il-konġestjoni, u t-tniġġis u li tittejjeb is-sigurtà. Minkejja l-isforzi tal-pajjiżi rilevanti biex jimplimentaw leġiżlazzjoni ġdida u aktar stretta, is-sigurtà tat-toroq għadha waħda mill-problemi ewlenin (4). Skont id-data dwar is-sigurtà tat-toroq, is-sitwazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk hija inkwetanti b’żieda kontinwa ta’ diżgrazzji aċċidentali minħabba l-akkumulazzjoni ta’ nuqqas ta’ investiment u nuqqas ta’ manutenzjoni u infurzar adegwati.

3.2   In-netwerk prinċipali ferrovjarju

3.2.1

It-tul totali tan-netwerk prinċipali ferrovjarju huwa 4 615 km, u dan jikkonsisti minn 3 083 km ta’ kurituri u 1 532 km ta’ rotot. 15 % biss tan-netwerk prinċipali ferrovjarju huwa kklassifikat f’kondizzjoni tajba filwaqt li 19 % jinsab f’kondizzjoni ħażina jew ħażina ħafna (5).

3.2.2

Il-ferroviji huma l-aktar ħolqa dgħajfa fost il-mezzi kollha ta’ trasport. L-analiżi tal-aċċessibbiltà turi li l-ħin tat-trasport bil-ferroviji huwa 200 % itwal mit-trasport bit-toroq għall-istess distanza bejn il-punt tat-tluq u d-destinazzjoni. L-infrastruttura ferrovjarja mhijiex żviluppata biżżejjed fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ investiment estensiv fit-trasport ferrovjarju fil-pajjiżi kollha tar-reġjun. Sfida oħra hija r-ristrutturar tal-kumpaniji ferrovjarji, li sikwit jitqiesu li jimpjegaw aktar nies milli jkun hemm bżonn.

3.3   Mezzi oħra tat-trasport (passaġġi tal-ilma interni, portijiet interni u portijiet tal-baħar)

3.3.1

It-tul totali tax-xmara tad-Danubju (Kuritur VII) (6) fil-Kroazja u s-Serbja huwa ta’ 588 km u t-tul navigabbli tax-xmara Sava huwa ta’ 593 km. In-netwerk prinċipali jinkludi wkoll seba’ portijiet tal-baħar u żewġ portijiet tax-xmajjar (7). Bl-eċċezzjoni ta’ madwar 30 km, id-Danubju tinsab f’kondizzjoni tajba filwaqt li l-kondizzjoni tas-Sava hija ħafna agħar (8).

3.3.2

Il-passaġġi tal-ilma interni jirrappreżentaw il-mezz tat-trasport li l-iktar jirrispetta l-ambjent u li huwa l-irħas. Madankollu, l-iżvantaġġ huwa d-dewmien tat-trasport.

3.3.3

It-trasport intermodali huwa limitat u attwalment jinkludi l-aktar it-trasport bit-triq ta’ kontejners marittimi minn u lejn il-portijiet. Barra minn hekk, it-terminals intermodali eżistenti mhumiex jintużaw biżżejjed. Madankollu, hemm il-potenzjal ta’ trasport intermodali ta’ madwar 10 % b’żieda prevista għal 15 % sal-2015 fin-netwerk prinċipali.

3.3.4

Wieħed jista’ jgħid li l-pajjiżi fir-reġjun kontinwament qed jagħmlu progress biex jirriformaw is-settur tat-trasport billi jwettqu l-istrateġiji tagħhom għat-trasport nazzjonali u billi jintroduċu leġiżlazzjoni u regolamenti ġodda b’konformità mal-acquis u l-politika tat-trasport tal-UE. Ġeneralment jagħrfu li r-riformi għandhom iseħħu b’konformità mal-interessi reġjonali, li jfisser li m’għandhomx joħolqu diskrepanzi li jistgħu jxekklu l-iżvilupp u l-ġestjoni effettiva tan-netwerk prinċipali. Bħal fil-każ tal-proċess ta’ integrazzjoni fl-UE, xi pajjiżi huma aktar avvanzati minn oħrajn.

4   Dokumenti ta’ qafas u arranġamenti istituzzjonali

4.1

Il-politika komuni tat-trasport għall-Balkani tal-Punent tmur lura għall-Patt ta’ Stabbiltà għall-Ewropa tax-Xlokk li ġie stabbilit fl-1999. Kif diġà ssemma hawn fuq, l-UE tqis il-kooperazzjoni reġjonali bħala prerekwiżit għas-sħubija futura tal-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u prekondizzjoni għall-iżvilupp tal-politika tat-trasport reġjonali. Għalhekk, l-UE ħeġġet lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jiżviluppaw il-kooperazzjoni intrareġjonali u jtejbu l-koordinazzjoni fil-qasam tal-politika tat-trasport komuni. Biex jiġi stimolat l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa tax-Xlokk, fl-2004 ġie ffirmat il-Memorandum ta’ Ftehim dwar l-Iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-parteċipanti mir-reġjun. Bħala riżultat, il-forums differenti involuti fl-attivitajiet tal-infrastrutturi tat-trasport reġjonali ġew sostitwiti bi tliet korpi kkoordinati ewlenin. Id-deċiżjonijiet strateġiċi jittieħdu fil-laqgħa annwali tal-Ministri; l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Ftehim hija kkoordinata mill-Kumitat ta’ Tmexxija; filwaqt li l-Osservatorju tat-Trasport tal-Ewropa tax-Xlokk (SEETO) iservi ta’ segretarjat permanenti (9). Il-Memorandum jimpenja l-parteċipanti biex flimkien jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni multiannwali progressiv li jkopri perijodu ta’ 5 snin. Rwol ieħor importanti għall-Memorandum huwa li jipprovdi qafas għal proċess koordinat li jwassal għall-abbozzar tat-trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

4.2

It-trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, li bħalissa qiegħed jiġi negozjat, ser jieħu post il-Memorandum ta’ Ftehim attwali. L-għan tat-trattat huwa li jistabbilixxi suq integrat għall-infrastruttura u l-art, is-sistemi tat-trasport tal-passaġġi tal-ilma interni u dawk marittimi kif ukoll is-servizzi li huma marbutin mill-qrib mas-suq intern tat-trasport rilevanti tal-Unjoni Ewropea. It-twaqqif ta’ Komunità tat-Trasport iħaffef l-integrazzjoni tas-sistemi tat-trasport fi ħdan ir-reġjun kif ukoll ma’ dawk tal-UE. Barra milli tħaffef il-konformità tal-leġiżlazzjoni rilevanti, inkluż l-acquis soċjali rilevanti, il-Komunità tat-Trasport tippermetti wkoll lill-utenti tat-trasport u ċ-ċittadini jibbenefikaw mill-proċess ta’ sħubija aktar malajr. Il-Komunità tat-Trasport tipprovdi wkoll lill-operaturi u l-investituri fis-settur tat-trasport biċ-ċertezza legali, u b’hekk tistimola u tħaffef l-investiment neċessarju u l-iżvilupp ekonomiku (10)

4.3

Objettivi oħra huma l-ħolqien ta’ qafas regolatorju u tas-suq stabbli, kapaċi li jattira l-investiment fil-mezzi kollha tat-trasport u fis-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku, li tiżdied l-effiċjenza fil-mezzi tat-trasport u tikkontribwixxi għal qasma modali aktar sostenibbli, kif ukoll li jgħaqqad l-iżvilupp tat-trasport mal-progress soċjali u r-rispett għall-ambjent. Hemm bżonn li nenfasizzaw il-fatt li t-trattat ma jsirx validu f’pajjiżi partikolari tal-Balkani tal-Punent sakemm ma japplikawx l-acquis kollu meħtieġ.

5   L-isfidi ewlenin quddiem il-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent

L-integrazzjoni tal-infrastruttura tirrappreżenta sfida kbira għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Filwaqt li l-infrastruttura u l-faċilitazzjoni tat-trasport huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni, jista’ jingħad li r-reġjun tal-Balkani tal-Punent huwa kkaratterizzat minn sistema tat-trasport li hija estremament ifframmentata, infrastruttura tat-trasport traskurata u servizzi tat-trasport ineffikaċi. Biex jinbidel l-istatus quo, iridu jsiru sforzi adegwati fl-ippjanar, il-leġiżlazzjoni u l-finanzjament. Madankollu, waqt li jiġu indirizzati dawn l-isfidi, irid jitqies il-fatt li r-reġjun tal-Balkani tal-Punent għandu karatteristiċi – storiċi, politiċi, ekonomiċi, soċjali u ġeografiċi - qawwija ħafna u għalhekk l-esperjenza mill-estensjoni tal-politika tat-trasport tal-UE għat-tnax-il Stat Membru ġdid tista’ tiġi użata biss b’mod limitat.

5.1   Ippjanar

5.1.1

L-ixprun ewlieni tal-integrazzjoni fis-settur tat-trasport huwa l-armonizzazzjoni regolatorja u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet. L-għadd ta’ atturi inklużi fil-proċess tal-iżvilupp tal-politika tat-trasport reġjonali jirrikjedi ppjanar adegwat u koordinazzjoni tal-attivitajiet.

5.1.2

Fil-livell nazzjonali, l-implimentazzjoni tal-acquis timpenja lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jippjanaw u jimplimentaw riformi importanti fis-setturi tat-trasport, kif ukoll f’setturi oħra relatati. Valutazzjoni tal-impatt preċiża għandha tkun parti kumplementari tal-proċess.

5.1.3

L-ippjanar effettiv tal-infiq pubbliku u l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati l-oħra, inkluż l-imsieħba soċjali u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, għandhom jissemmew bħala wieħed mill-aspetti importanti għall-iżvilupp effettiv tal-politika tat-trasport.

5.1.4

Sfida oħra relatata hija l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tat-trasport b’interessi reġjonali u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġett tan-Netwerk Prinċipali, biex tappoġġja l-ġestjoni effettiva u l-iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali.

5.1.5

L-aħħar u mhux l-inqas, l-iżvilupp ta’ pjani ta’ azzjoni multiannwali progressivi tas-SEETO għall-iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali jirrikjedi pjanar effettiv u koordinazzjoni tal-attivitajiet fil-livell reġjonali. Dan it-tip ta’ koordinazzjoni ser ikun meħtieġ ukoll fil-Forum Soċjali reġjonali, li fih ser jipparteċipaw ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra, fosthom l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

5.2   Leġiżlazzjoni

5.2.1

Il-bżonn li l-leġiżlazzjoni nazzjonali jiġu adattati għall-acquis communautaire u l-istandards tal-UE fis-settur tat-trasport huwa prijorità. L-acquis tat-trasport huwa partikolarment estensiv, u jkopri l-aċċess għas-suq u r-rekwiżiti soċjali, tekniċi, fiskali, ta’ sigurtà u ambjentali. Għalhekk, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom sfida biex jimplimentaw u jinfurzaw il-korp kbir tal-acquis tat-trasport li jinkludi għadd kbir ta’ regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet. Sfida oħra hija marbuta mat-traspożizzjoni selettiva u l-implimentazzjoni tal-acquis Komunitarju.

5.2.2

Minħabba l-livell għoli ta’ frammentazzjoni, il-kwistjonijiet marbuta mal-qsim tal-fruntiera huma importanti ħafna għar-reġjun tal-Ewropa tax-Xlokk. Bħalissa, il-ħinijiet ta’ stennija għall-qsim tal-fruntiera qed ikollhom impatt konsiderevoli fuq l-effiċjenza u l-kompetittività tan-Netwerk Prinċipali. Għandu jsir sforz addizzjonali mill-parteċipanti tal-Balkani tal-Punent sabiex tittejjeb il-ġestjoni u l-proċeduri tal-fruntiera u jitnaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija.

5.2.3

L-aspetti ambjentali għandhom jiġu enfasizzati. L-applikazzjoni tal-istandards ambjentali qed issir dejjem aktar importanti meta jiġu żviluppati proġetti ta’ infrastruttura. Peress li l-leġiżlazzjoni ambjentali hija parti importanti mill-acquis, il-kwistjoni jekk għandhiex tiġi applikata jew le mhijiex rilevanti. Madankollu, jista’ jingħad li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent qed isibu problemi kbar biex jinfurzaw il-liġijiet ambjentali.

5.3   Finanzjament

5.3.1

L-iżvilupp u l-manutenzjoni tan-netwerks tat-trasport jeħtieġu finanzjament li mhuwiex disponibbli mis-settur pubbliku. Għalhekk, il-koordinazzjoni tad-donaturi taqdi rwol importanti hawnhekk. Apparti mill-UE, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), il-Bank Dinji (BD), il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Kunsill tal-Bank Ewropew għall-Iżvilupp (KBEI) u d-donaturi bilaterali għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom u jallokaw il-fondi meħtieġa. Għall-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, opportunità oħra biex jiffinanzjaw in-netwerks tat-trasport hija permezz tas-sħubijiet pubbliċi-privati.

5.3.2

L-importanza ta’ dawn is-sħubijiet ġiet enfasizzata waqt il-konferenza ministerjali li saret f’Sarajevo f’Settembru 2009. Fl-istqarrija ministerjali, il-parteċipanti mhux biss irrikonoxxew u laqgħu r-rwol importanti li jaqdi s-settur privat fl-iżvilupp tal-infrastruttura, iżda aċċettaw il-ħtieġa li jiġi żviluppat ambjent istituzzjonali u leġiżlattiv li jippermetti l-parteċipazzjoni tas-settur privat fil-proġetti tal-infrastruttura permezz tal-istrument tas-sħubijiet pubbliċi-privati. Barra minn hekk, iddikjaraw l-impenn tagħhom li jħejju proġetti ta’ infrastruttura f’livell reġjonali u appoġġjaw it-twaqqif tan-Netwerk tas-Sħubijiet Pubbliċi-Privati tal-Ewropa tax-Xlokk (11). Id-dikjarazzjoni toffri qafas tajjeb biex jittejjeb l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ żvilupp tal-infrastruttura fir-reġjun permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati. Madankollu, l-implimentazzjoni tagħha teħtieġ ir-riforma tas-sistemi leġiżlattivi u regolatorji, kif ukoll l-appoġġ attiv tal-imsieħba internazzjonali – il-Kummissjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u d-donaturi bilaterali – permezz ta’ assistenza teknika u finanzjarja.

5.3.3

Miżura importanti oħra li għandha tiżgura kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, donaturi bilaterali u l-Unjoni Ewropea hija l-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent. Dan il-Qafas tnieda f’Diċembru 2009 u jikkonsisti minn faċilità ta’ għotjiet konġunti u faċilità ta’ self konġunt biex jiffinanzja proġetti prijoritarji fil-Balkani tal-Punent, li fosthom il-proġetti tal-infrastruttura jaqdu rwol ċentrali (12).

6   Konsegwenzi ekonomiċi u soċjali/ir-rwol tas-soċjetà ċivili

L-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport reġjonali joffri opportunità u sfida kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema. Il-parteċipazzjoni taż-żewġ gruppi hija essenzjali għal implimentazzjoni b’suċċess ta’ kwalunkwe proġett ta’ infrastruttura. Madankollu, jista’ jingħad ukoll li la l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u lanqas it-trejdjunjins ma jużaw b’mod effettiv ir-rwol tagħhom bħala msieħba soċjali mal-istituzzjonijiet tal-UE, id-donaturi internazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Mill-banda l-oħra, is-suċċess tar-ristrutturar tal-infrastruttura u r-riformi li jakkumpanjawh jiddependu ħafna minn appoġġ komprensiv u aċċettazzjoni ġenerali. Dan ma jkunx possibbli mingħajr il-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Għalhekk, id-djalogu mal-imsieħba soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili għandu jkollu rwol importanti fl-iżvilupp ta’ kull tip ta’ politika fil-Balkani tal-Punent, inkluż il-politika tat-trasport. Madankollu, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma karatterizzati minn tradizzjoni dgħajfa ta’ djalogu soċjali u ċivili, mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni sottożviluppati u kunċett ta’ sħubija b’ħafna nuqqasijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi nkoraġġit li l-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jippermettu lir-rappreżentati tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili biex jieħdu sehem attiv fil-proċess tal-iżvilupp tal-politika reġjonali tat-trasport u t-tfassil tal-istrateġiji tar-riforma.

6.1   Organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem

6.1.1

It-trasport huwa wieħed mill-iktar setturi dominanti tal-impjiegi fir-reġjun. Għalhekk, min iħaddem għandu jkollu sehem fit-tfassil tal-politiki u s-segwitu ta’ riformi li minnhom igawdu l-kumpaniji tagħhom, flimkien mal-impjegati u ċ-ċittadini ta’ pajjiżhom. L-organizzazzjonijiet tat-trasport settorjali u dawk li jħaddmu fuq bażi individwali wkoll għandhom rwol fin-negozjar tal-prijoritajiet għan-netwerks nazzjonali u reġjonali u l-analiżi tal-impatt tagħhom fuq il-promozzjoni tal-mobbiltà, il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi u benefiċċji ġenerali għall-ekonomiji nazzjonali.

6.1.2

Il-viżibbiltà u l-influwenza tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem tvarja minn pajjiż għal pajjiż f’dan ir-reġjun. B’mod ġenerali, il-pożizzjoni tagħhom hija pjuttost dgħajfa l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità għal mobilizzazzjoni interna u diffikultajiet biex jingħataw rappreżentazzjoni u segwitu effettivi tal-interessi tagħhom fir-relazzjonijiet mal-gvern u partijiet oħra interessati.

6.1.3

Hemm bżonn li jiġu żviluppati l-ħiliet ta’ rappreżentazzjoni u dawk analitiċi fost il-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju mhux biss għall-pajjiżi individwali iżda wkoll għall-UE.

6.2   Trejdjunjins

6.2.1

It-trasport huwa wieħed mill-akbar provvedituri tal-impjiegi fir-reġjun. Il-kondizzjonijiet soċjali/tas-suq tax-xogħol f’ħafna pajjiżi huma prekarji b’livelli għoljin ta’ qgħad persistenti, rati għoljin ta’ faqar u migrazzjoni tal-popolazzjoni attiva, kif ukoll sistemi ta’ sigurtà soċjali mtaqqla żżejjed. Fis-settur ferrovjarju, bħala medja, 50 % tal-forza tax-xogħol telqet l-impjieg tagħha fi żmien għaxar snin (13). Ir-riforma tal-ferroviji li trid tiġi implimentata f’kull pajjiż twassal għal tnaqqis fin-numru ta’ impjegati, privatizzazzjoni tal-operaturi tal-ġarr tal-merkanzija u l-għeluq tal-linji lokali li ma jagħmlux qligħ (14). Għalhekk, il-pjani biex it-trasport ferrovjarju jiġi liberalizzat ser jolqtu l-impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol.

6.2.2

It-telf tal-impjiegi qed jolqot ukoll l-industrija tal-portijiet, kif ukoll il-komunitajiet li jiddependu mill-portijiet u l-ekonomiji lokali. Kien hemm telf simili fl-impjiegi fis-settur tal-passaġġi tal-ilma interni.

6.2.3

Flimkien ma’ msieħba soċjali oħra, it-trejdjunjins jaqdu rwol importanti fil-valutazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp ta’ netwerk prinċipali ta’ trasport reġjonali fuq l-impjiegi. It-trejdjunjins tat-trasport mir-reġjun, bil-koordinazzjoni tal-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport, għamlu kampanja – kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali – biex isiru valutazzjonijiet tal-impatt soċjali bħala parti integrali mill-ippjanar strateġiku u l-implimentazzjoni tat-trattat li jistabbilixxi komunità tat-trasport (15). Għan ieħor tat-trejdjunjins huwa li tinkiseb konverġenza bejn il-politiki tal-impjieg u r-riforma.

6.3   Gruppi ta’ interessi oħrajn

L-iżvilupp tal-infrastruttura għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent. Għalhekk, il-ħarsien tal-ambjent għandu rwol importanti f’dan il-proċess u għandu jitqies waqt l-ippjanar u l-iżvilupp tan-netwerk tal-infrastruttura. F’dan ir-rigward, l-organizzazzjonijiet ambjentali jaqdu rwol importanti. Fosthom, iċ-Ċentru Reġjonali Ambjentali għall-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandu pożizzjoni unika. Il-missjoni tiegħu hija li jassisti fis-soluzzjoni ta’ problemi ambjentali fir-reġjun. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jippromovi l-kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-gvernijiet, in-negozji u partijiet interessati oħra fil-qasam tal-ambjent, kif ukoll li jappoġġja l-iskambju ta’ informazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent. Iċ-Ċentru wasal fi ftehim ma’ inizjattiva oħra reġjonali importanti – il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali - biex jimplimenta l-programm ta’ qafas Pjan ta’ direzzjoni għall-Kooperazzjoni Ambjentali fl-Ewropa tax-Xlokk, li jinkludi sensiela ta’ konferenzi tematiċi ta’ livell għoli li jsiru kull tliet xhur.

Minbarra l-organizzazzjonijiet ambjentali, l-iżvilupp tal-infrastruttura jikkonċerna b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi mar-reġjun kollu, kif ukoll firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li jiffokaw fuq l-iżvilupp lokali jew assoċjazzjonijiet li jippromovu l-użu tal-karozzi, bħall-assoċjazzjonijiet tal-karozzi.

7.   Ir-rwol tal-KESE fl-iżvilupp tal-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent

Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma karatterizzati minn tradizzjoni dgħajfa ta’ djalogu soċjali u mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni li mhumiex żviluppati biżżejjed fost l-imsieħba soċjali. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-proċess ta’ riforma hija prerekwiżit essenzjali għal politika tat-trasport reġjonali sostenibbli fil-Balkani tal-Punent. B’hekk il-KESE jista’ jaqdi rwol konsultattiv importanti fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali fir-reġjun, anke fl-okkażjoni tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent. Il-KESE jista’ jgħin fl-identifikazzjoni tal-imsieħba fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi individwali tal-Balkani tal-Punent u jgħin ukoll fit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u l-membri tagħhom. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-KESE tista’ tkun ta’ valur miżjud fit-twaqqif tal-Forum Soċjali reġjonali, li għandu jkun parti mit-trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244/1999.

(2)  Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244/1999.

(3)  Pjan tal-Iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk (South-East Europe Core Regional Transport Network Development Plan), SEETO, Diċembru 2008, www.seetoint.org/index.php?option=com_rubberdoc

(4)  European Road Federation and Chamber of Commerce Belgium/Luxembourg/South-East Europe Report: Networks for Peace and Development (2006), http://www.erf.be/index.php?option=com_content&view=article&id=157 %3Anetworks-for-peace - and-development&catid=18&Itemid=31

(5)  Pjan tal-Iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk, SEETO, Diċembru 2008, www.seetoint.org/index.php?option=com_rubberdoc

(6)  L-importanza tax-Xmara tad-Danubju hija rikonoxxuta fi strateġija għaż-żona tad-Danubju (l-Istrateġija tad-Danubju), li qed titlesta bħalissa fil-livell tal-UE.

(7)  Dawn is-seba’ portijiet tal-baħar huma inklużi fin-netwerk prinċipali: Rijeka, Split, Ploce, Dubrovnik (il-Kroazja), Bar (il-Montenegro), Durres, u Vlore (l-Albanija). Iż-żewġ portijiet tax-xmajjar jinsabu fis-Serbja, f’Belgrad u Novi Sad.

(8)  Pjan tal-Iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk, SEETO, Diċembru 2009, www.seetoint.org/

(9)  L-għan tal-Osservatorju tat-Trasport tal-Ewropa tax-Xlokk huwa li jippromovi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ infrastruttura prinċipali u anċillari fuq in-Netwerk multimodali Prinċipali tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk u li jippromovi u jtejjeb il-kapaċità lokali għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ investiment, il-ġestjoni kif ukoll il-ġbir u l-analiżi ta’ data dwar in-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali. www.seetoint.org

(10)  Il-Kummissjoni tipproponi komunità tat-trasport mal-Balkani tal-Punent u tieħu passi oħra biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien fis-settur tat-trasport Brussell, 5 ta’ Marzu 2008, http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/08/382&guiLanguage=en (verżjoni bil-Malti mhux disponibbli)

(11)  Stqarrija Ministerjali dwar is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati għall-Iżvilupp tal-Infrastruttura fl-Ewropa tax-Xlokk, 25 ta’ Settembru 2009.

(12)  Introduzzjoni għall-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent http://ec.europa.eu/enlargement/pdf/western-balkans-conference/wbif-a4-def_en.pdf; It-tnedija tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=BEI/09/246&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en

(13)  ETF – European Transport Federation, The social impact of EU transport infrastructure policy, 2005.(Federazzjoni tat-Trasport Ewropew, L-impatt soċjali tal-politika tal-infrastruttura tat-trasport tal-UE, 2005), Kontribut tal-konsultazzjoni pubblika.

(14)  World Bank, Railway Reform in the Western Balkans. (Bank Dinji, ir-Riforma fil-Balkani tal-Punent) Dokument mhux ippubblikat. Bank Dinji, Washington, D.C., 2005.

(15)  Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport ilha tikkoordina l-azzjoni tal-għaqdiet tal-ħaddiema mal-membri affiljati mill-Ewropa tax-Xlokk sa minn Jannar 2003. Il-Federazzjoni tkopri s-setturi li ġejjin: it-toroq, il-ferroviji, is-settur marittimu, il-passaġġi tal-ilma interni u l-avjazzjoni. M’hemm l-ebda djalogu soċjali settorjali Ewropew fis-settur tal-portijiet.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-presidenza tal-Kunsill tal-UE” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2010/C 354/09

Relatur: is-Sur BARABÁS

Nhar il-25 ta' Marzu 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, iddeċieda li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-presidenza tal-Kunsill tal-UE.

Is-sottokumitat inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett adotta l-opinjoni tiegħu nhar it-12 ta' Jannar 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tas-17 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'156 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Daħla

1.1

It-Trattat ta' Lisbona li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, ġab miegħu bidliet kbar fis-sistema istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-kariga permanenti l-ġdida tal-president tal-Kunsill Ewropew. Fl-istess ħin, it-Trattat ta' Lisbona ħoloq bażi legali għal tliet presidenzi (1) li permezz tagħha tliet Stati Membri jieħdu l-presidenza tal-Kunsill tal-UE għall-perjodu ta' 18-il xahar fuq il-bażi ta' programm li jiġi deċiż minn qabel.

1.2

Mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili, l-Artikolu 11 tat-Trattat ta' Lisbona huwa partikolarment relevanti. peress li essenzjalment jittratta t-tisħiħ tad-demokrazija parteċipattiva, l-intensifikazzjoni u l-istrutturazzjoni tad-djalogu maċ-ċittadini, it-tkomplija tal-konsultazzjonijiet fil-fond dwar l-elaborazzjoni tal-politiki tal-UE u d-dispożizzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Dan kollu għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-djalogu ċivili.

1.3

L-għan ta' dan id-dokument huwa li jeżamina l-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafi preċedenti. Għal dan il-għan, id-dokument jenfasizza r-rwol partikulari tal-KESE, bħala r-rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, iressaq proposti maħsuba sabiex jikkonsolidaw dan ir-rwol, u fl-istess ħin jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona maħsuba biex l-UE taħdem b'mod aktar effikaċi, b'aktar trasparenza u b' leġittimità akbar.

2.   Lejn presidenza ġdida – it-tliet presidenzi

2.1

Il-presidenza fil-kariga, jiġifieri, il-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mhijiex innovazzjoni reċenti; karatteristika essenzjali hija li talterna bejn l-Istati Membri kull sitt xhur. Tul dan il-perjodu, il-pajjiż li jkollu l-kariga tal-presidenza jkun “il-wiċċ u l-vuċi” tal-UE; jiddefinixxi l-istrateġiji, u jassumi rwol organizzattiv u rappreżentattiv.

2.2

Il-missjonijiet tal-presidenza jġibu magħhom responsabbiltajiet u sforzi kbar għall-gvern kollu. Dan ma jistax juża l-presidenza biex imexxi 'l quddiem l-interessi nazzjonali.

2.3

Ir-regoli dwar il-presidenza ġew modifikati fil-15 ta' Settembru 2006 permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill (2006/683/KE) li ħolqot il-bażi għas-sistema tat-tliet presidenzi. Dan ir-regolament essenzjalment jipprevedi li għal kull perjodu ta' 18-il xahar, it-tliet presidenzi fil-kariga ser jaħdmu f'kollaborazzjoni u konsultazzjoni mill-viċin mal-Kummissjoni Ewropea sabiex iħejju abbozz ta' programm tal-attivitajiet tal-Kunsill għal dak il-perjodu.

2.4

X'inhu l-vantaġġ ta' din il-forma ġdida ta' presidenza? Is-sistema l-ġdida tippreżerva l-marġini ta' manuvra li jkollu l-pajjiż li jkun fil-presidenza, l-istess bħall-presidenza tas-sitt xhur; fl-istess waqt, il-programm imħejji mit-tliet presidenzi flimkien jikkontribwixxi biex l-Istati Membri jaħdmu flimkien aktar mill-qrib u jkun hemm kontinwità u koerenza akbar fil-politiki tal-Unjoni kif ukoll fil-ħajja tal-Komunità.

2.5

L-ewwel grupp ta' tliet presidenzi li jaħdmu flimkien b'dan il-mod (“it-triju”), li beda fl-1 ta' Jannar 2007, kien magħmul mill-Ġermanja, il-Portugall u s-Slovenja, warajh, mill-1 ta' Lulju 2008 sal-31 ta' Diċembru 2009, kien hemm it-tliet presidenzi ta' Franza, ir-Repubblika Ċeka u l-Isvezja. Madankollu, il-perċezzjoni ġenerali hi li għal raġunijiet varji, u fuq kollox fl-assenza tal-bażi legali meħtieġa, il-ħidma ta' dawn it-tliet presidenzi varji kienet dominata minn kunsiderazzjonijiet u aspirazzjonijiet nazzjonali aktar milli dawk komuni għat-tliet pajjiżi f'kull presidenza ta' tlieta.

2.6

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, mill-1 ta' Jannar 2010, Spanja, il-Belġju u l-Ungerija se jkunu t-tliet presidenzi li jmiss. Il-bażi ta' din il-presidenza ser ikun il-programm ta' ħidma adottat waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2009. Dan huwa programm ambizzjuż ħafna li jkopri bosta oqsma. Wieħed mill-elementi prinċipali li jikkontribwixxi għall-effikaċja tal-presidenzi huwa l-kompożizzjoni tal-gruppi ta' presidenza: Stat Membru kbir u/jew pajjiż fondatur – pajjiż li minħabba dawn ir-raġunijiet għandu esperjenza konsiderevoli – flimkien ma' pajjiż li ngħaqad aktar reċentement u Stat Membru ġdid.

2.7

L-esperjenza turi li filwaqt li l-pajjiżi li għandhom piż politiku kbir għandhom ukoll aktar poter ta' negozjar, pajjiżi iżgħar ħafna drabi jkunu jistgħu jikkompensaw għan-nuqqasijiet apparenti u possibbilment in-nuqqas ta' esperjenza permezz ta' għażla għaqlija tal-prijoritajiet, strateġija tajba ta' negozjar u dispożizzjoni ċara li jintlaħaq kompromess.

2.8

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-prattika tat-tliet presidenzi ħolqot preċedent f'dak li għandu x'jaqsam mat-tqassim tal-kompiti bejn il-President tal-Kunsill Ewropew elett għal sentejn u nofs (u li jista' jiġi rielett darba) u t-tliet presidenzi fuq bażi ta' rotazzjoni. F'dan l-istadju għadhom ma jistgħux jiġu previsti b'mod ċar l-aspetti kollha marbuta ma' dan. Is-suċċess f'dan il-qasam jirrikjedi kollaborazzjoni stretta. Fl-istess waqt, peress li s-sistema attwali ser tibqa' tapplika għal diversi oqsma, wieħed jista' jistenna li l-gvernijiet nazzjonali, waqt is-sitt xhur rispettivi, ikomplu bl-isforzi tagħhom biex isemmgħu l-veduti tagħhom u biex ikollhom impatt waqt is-sitt xhur ta' presidenza tagħhom. Din is-sitwazzjoni ġdida għandha implikazzjonijiet importanti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.   L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-prattika attwali: xi karatteristiċi tipiċi

3.1

L-ewwel nett, irridu nindikaw li t-twettiq tal-ħidma tal-presidenza tal-Kunsill bażikament hija r-responsabbiltà tal-gvern nazzjonali. Dawn il-kompiti jiġu eżegwiti permezz tal-kontribut determinanti ta' uffiċjali pubbliċi (diplomatiċi), esperti u politiċi. Id-dokumenti li jirregolaw l-eżekuzzjoni tal-kompiti tal-presidenza fosthom it-Trattat ta' Lisbona, ma jsemmux il-parteċipazzjoni organizzata u istituzzjonali tas-soċjetà ċivili.

3.2

Madankollu, kemm l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll il-pajjiżi inkarigati mill-presidenza tal-Kunsill qed isiru aktar konxji li l-parteċipazzjoni tal-kollettività permezz tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u taċ-ċittadini, tista' tikkontribwixxi b'mod konsiderevoli għar-riżultat tajjeb tal-ħidma. Dan jirrifletti sensibbiltà lejn il-valur tad-demokrazija parteċipattiva u d-djalogu ċivili.

3.3

Madankollu dan ma jfissirx li jeżisti kunsens fil-livell tal-UE dwar il-politiki u l-prattiċi f'dak li għandu x'jaqsam mal-mod kif l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw fit-twettiq tal-programmi tal-presidenzi tal-Kunsill. Is-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali tista' tvarja ħafna u fil-biċċa l-kbira tiddependi mill-livell ta' organizzazzjoni u ta' attività tas-soċjetà ċivili tal-pajjiż li jkollu l-kariga tal-presidenza, kif ukoll il-kwalità tar-relazzjonijiet tagħha mal-gvern nazzjonali. F'dan il-kuntest, ir-relazzjoni ġeneralment mhix waħda bejn sħab ugwali.

3.4

Mill-kummenti li saru s'issa wieħed jista' jikkonkludi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili x'aktarx ma jipparteċipawx fit-tħejjija tal-prijoritajiet proposti mill-pajjiż li għandu l-kariga tal-presidenza tal-Kunsill; loġikament dan jimplika li s-soċjetà ċivili għandha sens dgħajjef, jekk mhux ineżistenti, li dawn il-prijoritajiet jappartjenu lilha.

3.5

Minħabba l-fatt li l-kunċett ta' tliet presidenzi huwa wieħed relattivament ġdid, mhux sorprendenti li huma biss każijiet iżolati li fihom is-soċjetà ċivili tat-tliet pajjiżi jingħaqdu flimkien minn qabel u jikkollaboraw. L-ewwel sinjali inkoraġġanti ta' dan x'aktarx se jidhru waqt it-tliet presidenzi ta' Spanja, il-Belġju u l-Ungerija, pereżempju waqt it-tħejjija u l-organizzazzjoni ta' avvenimenti tas-soċjetà ċivili li se jkollhom viżibbiltà kbira (f'Malaga fl-2010 u f'Budapest fl-2011).

3.6

F'dawn l-aħħar snin kienet il-prattika, kif kien waqt il-Forum Ċiviku Ewropew importanti li sar f'Settembru 2008 taħt il-presidenza Franċiża f'La Rochelle, li l-pajjiż li jkollu l-presidenza jospita laqgħa għar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea. F'dawn il-laqgħat jiġu diskussi kwistjonijiet li jolqtu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b'mod dirett u idealment dawn jiġu integrati mal-prijoritajiet identifikati mill-pajjiż ospitanti.

3.7

Is-snin tematiċi tal-UE (bħas-sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali fl-2010) joffru okkażjoni tajba għall-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-programmi u l-attivitajiet tal-presidenza tal-Kunsill.

4.   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-presidenzi tal-Kunsill: is-sitwazzjoni attwali

Tul is-snin il-KESE żviluppa bosta attivitajiet marbutin mal-presidenzi tal-Kunsill. Dawn jinkludu:

stedina ta' rappreżentanti ta' livell għoli tal-pajjiżi li jkellhom il-presidenza tal-Kunsill għas-sessjonijiet plenarji tal-KESE u għal-laqgħat ta' korpi oħra (sessjonijiet, laqgħat tal-gruppi, eċċ.);

id-definizzjoni tal-prijoritajit tal-KESE u l-organizzazzjoni ta' attivitajiet speċifiċi b'riferiment għall-programmi tas-sitt xhur tal-presidenzi tal-Kunsill;

adozzjoni tal-pożizzjoni tal-KESE dwar is-suġġetti varji fuq talba u inizjattiva tal-pajjiż li jkollu l-presidenza tal-Kunsill;

parteċipazzjoni f'diversi programmi tal-presidenza tal-Kunsill; bil-preżentazzjoni tal-opinjonijiet tal-KESE dwar il-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu diskussi;

żjara fil-pajjiż li jkollu l-presidenza tal-Kunsill; il-parteċipazzjoni f'programmi speċjalizzati u t-tisħiħ tal-kuntatti ma' diversi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

parteċipazzjoni f'avvenimenti importanti tas-soċjetà ċivili fil-livell Ewropew organizzati fil-pajjiż tal-presidenza tal-Kunsill;

organizzazzjoni ta' konferenzi, preżentazzjonijiet, u avvenimenti kulturali, wirjiet, eċċ. fis-sede tal-KESE, li jippubbliċizzaw il-pajjiż li għandu l-kariga tal-presidenza u s-soċjetà ċivili tiegħu;

akkoljenza fi ħdan il-KESE ta' gruppi ta' viżitaturi (rappreżentanti tas-soċjetà ċivili) mill-pajjiż li għandu l-presidenza;

żieda fl-attenzjoni, fil-kuntest tal-politika tal-komunikazzjoni tal-KESE, għall-pajjiż li għandu l-presidenza u għas-soċjetà ċivili tiegħu.

5.   Il-pass li jmiss: it-Trattat ta' Lisbona, il-presidenza tal-Kunsill u s-soċjetà ċivili organizzata – Rakkomandazzjonijiet

5.1

Il-punt tat-tluq tagħna huwa t-Trattat ta' Lisbona u d-dħul fis-seħħ tiegħu fl-1 ta' Diċembru 2009 li joħloq il-kundizzjonijiet adatti sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista' tagħti tweġibiet li jħarsu lejn il-futur għan-numru ta' sfidi li din qed tiffaċċja.

5.2

L-għan tagħna huwa li tiżviluppa d-demokrazija parteċipattiva, jintensifika d-djalogu maċ-ċittadini u jissaħħaħ id-djalogu ċivili biex b'hekk inkunu nistgħu nikkontribwixxu wkoll għat-tisħiħ tal-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet Ewropej.

5.3

Artikolu 11 tat-Trattat ta' Lisbona jipprovdi bażi tajba biex dan iseħħ; il-possibbiltajiet il-ġodda li dan l-Artikolu joffri jaqblu perfettament mar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-KESE, pereżempju l-opinjoni tiegħu dwar Il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi: it-tisħiħ tal-partenarjat (adottata fit-13 ta' Lulju 2000) (2) u dik dwar Ir-rappreżentattività tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej fid-djalogu ċivili (adottata fl-14 ta' Frar 2006) (3). Għalhekk, mhux biss huwa possibbli iżda saħansitra neċessarju li l-KESE, bħala r-rappreżentant istituzzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata fil-livell Ewropew, ikun proattiv biex jiżgura li l-opportunitajiet li joffri t-Trattat ta' Lisbona, b'mod partikulari l-Artikolu 11 jiġu implimentati bl-aktar mod komplet possibbli, hekk kif diġà għamel fl-opinjoni tiegħu dwar “L-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona: id-demokrazija parteċipattiva u l-inizjattiva taċ-ċittadini”, li wkoll ġiet adottata minnu fis-seduta tas-17 ta' Marzu 2010 (4).

5.4

F'dan il-kuntest, il-presidenzi tal-Kunsill għandhom l-istrumenti adatti sabiex jiksbu dan li ġej:

tisħiħ tal-impenn favur l-ideal Ewropew u kontribut sabiex iċ-ċittadinanza Ewropea attiva ssir element li jikkaratterizza aktar il-ħajja tagħna ta' kuljum;

garanzija li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini Ewropej jipparteċipaw b'mod dirett u jkollhom influwenza diretta fuq il-proċessi politiċi fil-livelli varji li jiddefinixxu l-futur tal-Unjoni Ewropea;

tisħiħ tad-djalogu ċivili;

garanzija li l-KESE jkompli jġedded u jiżviluppa l-attivitajiet tiegħu marbutin mal-presidenzi tal-Kunsill; fir-rigward tal-aħħar punt u flimkien mal-lista li hemm f'punt 4, il-KESE għandu:

a)

iħeġġeġ li jkun hemm inizjattivi u azzjonijiet konġunti tas-soċjetà ċivili fosthom l-organizzazzjoni ta' avvenimenti tas-soċjetà ċivili b'viżibbiltà kbira fil-pajjiż li għandu l-presidenza;

b)

jaħdem biex jiżgura li l-inizjattivi prinċipali tas-soċjetà ċivili, li jirriżultaw mid-djalogu bejn is-soċjetà ċivili u l-gvernijiet, bħala partijiet indaqs, ikunu integrati fil-programmi ta' presidenza, biex b'hekk jissaħħu l-aċċettazzjoni u l-appoġġ tagħhom mis-soċjetà;

c)

iressaq għad-diskussjoni il-kwistjonijiet marbutin mal-presidenza fil-kariga tal-Kunsill li huma ta' importanza għas-soċjetà ċivili permezz tal-grupp ta' kuntatt tal-KESE mal-organizzazzjonijiet u n-netwerks tas-soċjetà ċivili;

d)

iħeġġeġ lill-kunsilli ekonomiċi u soċjali (jew istituzzjonijiet simili) tal-pajjiż li jkollu l-presidenza tal-Kunsill biex jipparteċipaw b'mod attiv fl-attivitajiet u l-programmi relatati;

e)

jiżgura li l-membri tal-KESE li ġejjin mill-pajjiż li għandu l-presidenza jirċievu l-għajnuna kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jwettqu ħidma relatata mal-presidenza b'mod effettiv;

f)

jgħin sabiex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod effikaċi għall-ħidma tal-pajjiż li għandu l-presidenza tal-Kunsill billi jxerred l-aħjar prattiki.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  “Il-Presidenza tal-Kunsill … għandha tiġi eżerċitata minn gruppi prestabbiliti ta' tliet Stati Membri għal perijodu ta' 18-il xahar.” (ĠU C 115, 9.5.2008, p. 341; Dikjarazzjoni dwar l-Artikolu 16(9) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-eżerċizzju tal-Presidenza tal-Kunsill, Artikolu 1 (1)). Dan it-tip ta' presidenza huwa magħruf bħala “t-tliet presidenzi”.

(2)  ĠU C 268, 19.9.2000 (mhux disponibbli bil-Malti)

(3)  ĠU C 88, 11.4.2006 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Ara p. 59 tal-Ġurnal Uffiċjali attwali.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/59


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona: id-demokrazija parteċipattiva u l-inizjattiva taċ-ċittadini (Artikolu 11)” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2010/C 354/10

Relatur: is-Sinjura SIGMUND

Nhar l-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona: id-demokrazija parteċipattiva u l-inizjattiva taċ-ċittadini (Artikolu 11 TUE).

Is-sottokumitat dwar L-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona: id-demokrazija parteċipattiva u l-inizjattiva taċ-ċittadini, li kien responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adotta din l-opinjoni nhar il-11 ta’ Frar 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010 (seduta tas-17 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’163 vot favur, vot 1 kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jemmen li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) relatati mal-prinċipji demokratiċi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 11, huma elementi importanti fit-triq lejn “Ewropa tal-poplu” reali u fattibbli, fejn il-pubbliku għandu influwenza reali. Madankollu, jeħtieġ li l-proċessi demokratiċi individwali jiġu definiti b’tali mod li dawn isiru aktar vinkolanti u għandu jkun żgurat li dawn huma sostnuti mill-istrutturi meħtieġa.

1.2   Fir-rigward tad-djalogu ċivili orizzontali (TUE Artikolu 11(1)) u d-djalogu ċivili vertikali (TUE Artikolu 11(2)), il-Kumitat jitlob għal definizzjoni ċara ta’ dan l-istrument u tar-regoli li jirregolaw il-proċeduri u l-parteċipanti tiegħu. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni – b’analoġija mal-approċċ stipulat fl-Artikolu 11(4) tat-TUE – li din tibda proċess ta’ konsultazzjoni dwar id-djalogu ċivili billi tippubblika Green Paper u tħejji l-arranġamenti meħtieġa fuq il-bażi ta’ x’jirriżulta.

1.3   Il-Kumitat jenfasizza l-volontà tiegħu, espressa bosta drabi fil-passat, biex jikkontribwixxi għall-iżvilupp tad-djalogu ċivili bħala imsieħeb u intermedjarju u biex jibni fuq ir-rwol tiegħu bħala forum għad-dibattiti. Il-Kumitat qed iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-korpi kollha tal-UE in-netwerk u l-infrastruttura tiegħu bil-għan li jappoġġja d-djalogu ċivili mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

1.4   L-Artikolu 11(3) tat-TUE jpoġġi l-prattika ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni, li sal-lum diġà ntużat ħafna, fil-kuntest tal-pilastru parteċipatorju tal-mudell demokratiku Ewropew li għadu kif issaħħaħ. Għal dan l-istrument ukoll, il-Kumitat jitlob għal regoli ta’ proċedura aktar ċari bbażati fuq il-prinċipji tat-trasparenza, l-aċċessibbiltà u r-rappreżentanza.

1.5   L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, introdotta mill-Artikolu 11(4) tat-TUE tiġbor fiha, għall-ewwel darba fl-istorja, proċedura demokratika transnazzjonali u transkonfinali diretta. Il-Kumitat jilqa’ bis-sħiħ din il-possibbiltà l-ġdida u jixtieq li jagħti kontribut tanġibbli għal din l-inizjattiva. Huwa jikkjarifika l-fehma tiegħu fir-rigward tad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ implimentazzjoni li jeħtieġ li jiġu stabbiliti tul l-2010. Dawn għandhom jiżguraw li:

il-pubbliku ma jkollux jiffaċċja ostakli żejda meta jieħu l-opportunità biex jipparteċipa, peress li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini hija biss “inizjattiva ta’ aġenda”;

ikun hemm regoli u dispożizzjonijiet ċari li jagħmluha faċli għall-inizjaturi biex jorganizzaw inizjattivi fost is-27 Stat Membru, mingħajr ma jiltaqgħu ma’ ostakli nazzjonali mhux mistennija;

fejn hu xieraq, l-inizjaturi jingħataw appoġġ finanzjarju ladarba jintlaħaq limitu speċifiku.

1.6   Il-Kumitat għandu l-intenzjoni jkollu rwol ċentrali f’infrastruttura demokratika transnazzjonali fl-Ewropa u ser jagħmel il-parti tiegħu, kif stipulat fl-Artikolu 11 tat-TUE, b’mod iffukat u effiċjenti. Il-KESE qed joffri wkoll li jagħti sehmu billi jipprovdi informazzjoni, jappoġġja l-inizjattivi taċ-ċittadini fejn dan ikun xieraq billi jipprovdi opinjoni, jorganizza seduti dwar inizjattivi ta’ suċċess u, fejn ikun applikabbli, jappoġġja l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni billi jressaq opinjoni.

2.   Kuntest

2.1   F’Diċembru 2001 il-kapijiet ta’ stat jew gvern iltaqgħu f’Laeken u qablu dwar metodu ġdid għall-abbozzar tat-trattati Ewropej u ddeċidew li jlaqqgħu flimkien “Konvenzjoni dwar il-Futur tal-Ewropa” li l-kompożizzjoni tagħha (1) kienet tfisser li żviluppat dinamika demokratika konsiderevoli. Sussegwentament, f’Ġunju 2003, il-Konvenzjoni kienet ipproduċiet test li kien jinkludi proposti għal trasparenza u parteċipazzjoni akbar.

2.2   Wara li t-“Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa”, imfassal mill-Konvenzjoni, ma ġiex irratifikat minħabba l-vot kontra fir-referendums ta’ Franza u tal-Pajjiżi l-Baxxi, Trattat rivedut tal-UE ġie ffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2007; dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009.

3.   Introduzzjoni

3.1   Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona jissemplifika bosta proċeduri u jagħmilhom aktar trasparenti, jiddefinixxi l-kompetenzi b’mod aktar ċar, jespandi d-drittijiet tal-Parlament Ewropew u jagħmel l-Unjoni Ewropea aktar viżibbli internament u esternament.

3.2   Apparti d-demokrazija parlamentari (indiretta) (2), il-mudell demokratiku Ewropew qed jiġi estiż u msaħħaħ, iżda żgur mhux sostitwit, mid-demokrazija parteċipattiva (diretta) mħaddna fit-TUE.

3.3   B’mod speċifiku, id-dispożizzjonijiet dwar id-demokrazija parteċipattiva jittrattaw:

id-djalogu ċivili orizzontali;

id-djalogu ċivili vertikali;

il-prattiki ta’ konsultazzjoni eżistenti tal-Kummissjoni; u

l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej il-ġdida.

3.4   In-natura tat-Trattat tal-UE tfisser li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tat-TUE sempliċement joħolqu qafas li issa jrid jiġi definit, żviluppat u implimentat bl-arranġamenti legali adatti u huwa f’idejn il-partijiet involuti li jaraw li dan jitwettaq.

3.5   Fir-rigward tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej il-Kummissjoni diġà ħadet pass sensibbli meta ppubblikat Green Paper dwarha (3); wara l-proċedura ta’ konsultazzjoni, din se tippubblika proposta għal regolament li jimplimenta l-Artikolu 11(4) tat-TUE. B’hekk din tkun qed tibgħat messaġġ ċar favur id-djalogu matul it-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-istrumenti l-ġodda, filwaqt li tikkunsidra b’mod partikolari dawk l-imsieħba interessati tas-soċjetà ċivili organizzata u l-membri tal-pubbliku minn madwar l-UE li iktar tard se jkunu l-inizjaturi tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

4.   It-Trattat ta’ Lisbona – Artikolu 11 tat-TUE

4.1   Djalogu Ċivili Orizzontali

L-Artikolu 11(1) tat-TUE: “L-istituzzjonijiet għandhom, permezz ta’ mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u li jiskambjaw pubblikament l-opinjonijiet tagħhom fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tal-Unjoni.” .

4.1.1

Din id-dispożizzjoni tipprovdi bażi legali għal “djalogu ċivili” orizzontali, iżda ma tiddefinixxihx b’mod aktar preċiż. Il-Kumitat diġà ressaq numru ta’ opinjonijiet dwar id-djalogu ċivili (4)  (5)  (6) u ddikjara li dan huwa aspett ewlieni tal-parteċipazzjoni fil-mudell demokratiku Ewropew.Il-KESE stqarr bosta drabi wkoll li huwa lest li jkun pjattaforma u multiplikatur ta’ dan id-djalogu u li jiżgura dibattitu pubbliku madwar l-Ewropa. F’dan il-kuntest u f’diversi okkażjonijiet il-Kumitat iddikjara wkoll li jixtieq u beħsiebu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tad-djalogu ċivili bħala msieħeb u intermedjarju. F’dan il-kuntest huwa lest li jkompli jibni fuq ir-rwol tiegħu bħala forum għal dibattitu u li jipprovdi l-appoġġ prattiku, pereżempju billi jagħmel il-faċilitajiet tiegħu disponibbli. Il-Kumitat jagħti importanza kbira lill-għajnuna sabiex id-djalogu ċivili jkollu l-udjenza (Ewropea) li jeħtieġ u biex dan jiżviluppa f’diskussjoni verament interattiva.

4.1.2

Il-Kumitat jenfasizza għal darba oħra li dan l-istrument tad-demokrazija parteċipattiva jeħtieġ definizzjoni ċara u li għandhom jiġu stipulati l-arranġamenti speċifiċi biex dan jibda jiffunzjona. Pereżempju, iridu jiġu kkjarifikat l-kriterji tar-rappreżentanza li l-assoċjazzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu tat-Trattat iridu jissodisfaw sabiex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw. Dwar il-kwistjoni tar-rappreżentanza tal-atturi tas-soċjetà ċivili, il-Kumitat diġà wera (7) wkoll kemm huwa importanti li ssir distinzjoni bejn ir-rappreżentanza kwantitattiva (rappreżentanza leġittima tal-maġġoranza ta’ dawk affettwati) u dik kwalitattiva (prova ta’ għarfien speċjalizzat rilevanti). Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-assoċjazzjonijiet li għandhom jiġu involuti fi djalogu għandhom ikunu rappreżentati kemm f’termini kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi.

4.1.3

Il-leġiżlatur se jkollu bżonn ikun aktar preċiż dwar liema miżuri speċifiċi jaħseb li huma meħtieġa sabiex jiġu sodisfati r-rekwiżiti ta’ “mezzi xierqa” (ara l-Artikolu 11(1) tat-TUE).

4.1.4

F’dan il-kuntest, il-Kumitat jikkunsidra li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn id-djalogu ċivili Ewropew u d-djalogu soċjali Ewropew u javża biex ma jkunx hemm konfużjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti. Ovvjament, id-djalogu soċjali Ewropew huwa pilastru tal-parteċipazzjoni kwalifikata, iżda huwa suġġett għal regoli speċifiċi rigward il-kontenut, il-parteċipazzjoni, il-proċeduri u l-impatt. Il-fatt li dan imsemmi fit-Trattat jirrifletti l-importanza tiegħu.

4.2   Id-djalogu ċivili vertikali

Artikolu 11(2) tat-TUE: “L-istituzzjonijiet għandhom iżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili.”

4.2.1

Dan il-paragrafu jikkunsidra d-djalogu ċivili vertikali u jobbliga lill-korpi tal-UE biex jipprattikawh regolarment. Il-Kumitat diġà esprima l-fehmiet tiegħu dwar dan it-tip ta’ djalogu ċivili wkoll (8), u jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji l-arranġamenti f’aktar dettall, kemm mil-lat ta’ kontenut kif ukoll ta’ proċedura.

4.2.2

Xi żmien ilu – fl-istennija ta’ din id-dispożizzjoni tat-trattat – il-Parlament Ewropew waqqaf l-“Agora”, u b’hekk ħoloq strument għad-djalogu ċivili vertikali.

4.2.3

Peress li l-Artikolu 11(2) jirrikjedi li l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha jimpenjaw ruħhom fi djalogu mas-soċjetà ċivili, il-Kumitat jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha, b’mod speċjali l-Kunsill, biex kemm jista’ jkun malajr jagħmlu dikjarazzjoni dwar kif beħsiebhom jimplimentaw dan l-artikolu tat-trattat.

4.2.4

Il-Kumitat iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-korpi kollha tal-UE in-netwerk u l-infrastruttura tiegħu bil-għan li jgħin fit-tnedija tad-djalogu ċivili mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jappoġġjah.

4.3   Konsultazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea

L-Artikolu 11(3) tat-TUE: “Sabiex tassigura li l-azzjonijiet tal-Unjoni jkunu koerenti u trasparenti, il-Kummissjoni Ewropea għandha tagħmel konsultazzjonijiet wiesgħa [sic.] mal-partijiet konċernati.”

4.3.1

Din id-dispożizzjoni tpoġġi l-prattika ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni, li sal-lum diġà ntużat ħafna, fil-kuntest tal-pilastru parteċipatorju li ssaħħaħ mill-ġdid tal-mudell demokratiku Ewropew. Il-Kumitat ifakkar (9)  (10) li din il-prattika ta’ konsultazzjoni hija fundamentalment element ewlieni tal-kunċett tal-“governanza Ewropea” (11) imniedi mill-Kummissjoni fl-2001. Bħala miżura minn fuq għal isfel, din tiffaċilita biss l-azzjoni tas-soċjetà ċivili indirettament. Il-Kumitat jenfasizza wkoll li għandha ssir distinzjoni bejn il-“konsultazzjoni”, bħala miżuri minn fuq għal isfel, u l-“parteċipazzjoni”, li hija dritt ċiviku. L-aspett tal-involviment attiv tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi proċess minn isfel għal fuq jibqa’ ma jintmissx minn din il-miżura.

4.3.2

B’konformità mal-mandat tiegħu, il-Kumitat huwa lest li jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea kull meta din tkun trid twettaq konsultazzjonijiet li jmorru lil hinn mis-sistema bl-internet tas-soltu, pereżempju permezz tat-tħejjija ta’ seduti konġunti dwar suġġetti speċifiċi jew ta’ konsultazzjonijiet miftuħa permezz ta’ forums tal-partijiet interessati bil-metodu tal-ispazju miftuħ (open space method).

4.3.3

Madankollu, il-konsultazzjoni waħedha ma twassalx għal djalogu ġenwin mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Kumitat għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tirrivedi u tistruttura l-mod kif din wettqet il-konsultazzjonijiet s’issa: L-ewwel nett, il-perijodu ta’ żmien għall-konsultazzjonijiet għandu jkun adatt sabiex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-pubbliku jkollhom żmien biżżejjed biex jiżviluppaw it-tweġibiet tagħhom u biex il-konsultazzjoni ma’ tkunx biss attività superfiċjali. It-tieni nett, il-proċess ta’ valutazzjoni għandu jsir aktar trasparenti. Il-Kummissjoni għandha tkun mitluba twieġeb għas-sottomissjonijiet u tispjega l-pożizzjoni tagħha rigward ir-raġuni għalfejn suġġeriment jew ieħor ġie aċċettat jew irrifjutat, sabiex b’hekk verament tkun daħlet fi djalogu. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta intensivament lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar dan it-titjib u oħrajn.

4.4   l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

L-Artikolu 11(4) tat-TUE: “Ċittadini tal-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx anqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta’ għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattat.”

4.4.1

Il-Kumitat tal-istess fehma li din l-inizjattiva l-ġdida taċ-ċittadini Ewropej għandha sinifikat għall-integrazzjoni Ewropea li jmur lil hinn mid-dimensjoni legali u għandha tiġi kkunsidrata bħala l-ewwel element tad-demokrazija transnazzjonali diretta, għalkemm it-tqegħid tal-kliem tad-dispożizzjonijiet ifisser li din hija limitata għaċ-ċittadini Ewropej. Il-Kumitat jixtieq li jiġu inklużi ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti permanenti fl-Unjoni meta jiġi rivedut it-Trattat.

4.4.2

Għandu jkun enfasizzat li l-inizjattiva l-ġdida taċ-ċittadini Ewropej mhijiex inizjattiva diretta bħalma huma dawk li hemm provvediment għalihom f’għadd ta’ Stati Membri, li jwasslu għal referendum vinkolanti, iżda aktar bħala “inizjattiva ta’ aġenda” li tistieden lill-Kummissjoni biex tfassal leġiżlazzjoni. Huwa strument ta’ minoranza li sempliċiment joħloq opportunità li tinfluwenza l-aġenda politika. Id-dritt għal inizjattiva leġiżlattiva jibqa’ f’idejn il-Kummissjoni, u kwalunkwe proċess leġiżlattiv li jista’ jsegwi se jseħħ b’konformità mal-proċeduri adegwati.

4.4.3

Ovvjament, dan l-istrument jeħtieġ ċerti regoli u standards. Madankollu, peress li għadhom iridu jinħolqu strumenti għal demokrazija diretta fil-livell Ewropew, l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej għandha tingħata qafas sabiex din tiżviluppa progressivament. Ir-regolament li jimplimenta l-Artikolu 11(4) tat-TUE għandu jistabbilixxi l-istandards u l-kriterji ta’ ammissjoni għal inizjattivi minimi possibbli l-aktar baxxi u għandu jħalli spazju għal diskrezzjoni u interpretazzjoni f’oqsma fejn m’hemmx data ta’ esperjenza fil-livell tal-UE, peress li dak kollu li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tista’ tagħmel huwa li tiżgura li suġġett partikolari jiġi kkunsidrat fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni.

4.4.4

Madankollu, il-Kumitat ċertament ma għandux l-istess fehma tal-Parlament Ewropew (12) li “huwa x-xogħol politiku tal-Parlament li jissorvelja l-proċess tal-inizjattiva taċ-ċittadini” u jopponi l-monitoraġġ ta’ proċess fil-qasam preleġiżlattiv mil-leġiżlatur. Dan il-“monitoraġġ” jikser il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri. Għalhekk il-Kumitat jitlob biex jitwaqqaf “korp ta’ konsulenza” jew “helpdesk” bħala sostenn għall-inizjaturi meta dawn ikunu qed iħejju u jniedu Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej sabiex jiġu evitati kunflitti ovvji mar-regoli dwar l-ammissibbiltà u l-implimentazzjoni f’ħafna każijiet, anki jekk dawn ma jistgħux jiġu esklużi kompletament.

4.4.5

Fl-istess rapport il-Parlament jirreferi, bir-raġun, għall-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn il-petizzjonijiet, li għandhom jiġu indirizzati lill-Parlament, u l-inizjattivi taċ-ċittadini, li għandhom jiġu indirizzati lill-Kummissjoni bħala talba. B’hekk għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn il-proċeduri u r-rekwiżiti ta’ dawn iż-żewġ strumenti parteċipatorji minn isfel għal fuq.

4.4.6

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, bħala strument ta’ demokrazija diretta, hija wkoll mezz effettiv sabiex jibdew proċessi ta’ deliberazzjoni transnazzjonali. Il-pubbliku, li attwalment huwa pjuttost maqtugħ mill-“Ewropa politika”, issa jista’ jinvolvi ruħu b’inizjattivi u objettivi speċifiċi. Aktar man-nies jiġu mistiedna u mħeġġa jipparteċipaw fl-inizjattiva mingħajr ma jkollhom jiffaċċjaw ostakli burokratiċi żejda, aktar dawn se jieqfu jaħsbu fihom infushom malajr bħala spettaturi ta’ deċiżjonijiet inkomprensibbli u jimxu mill-ġenb tas-sistema politika biex imorru fiċ-ċentru tagħha. Dan il-proċess, implimentat pass pass, li jippromovi d-dibattitu dwar kwistjonijiet ta’ importanza Ewropea, se jwassal awtomatikament għall-ħolqien ta’ kuxjenza Ewropea u sens ta’ sensibilizzazzjoni pubblika Ewropea.

4.4.7

Wieħed għandu jinnota li, evidentement, is-sustanza tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej m’għandhiex tmur kontra t-Trattat jew il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, bħalma gruppi estremisti jużaw il-kanali disponibbli tal-formazzjoni tal-opinjoni (jew jabbużaw minnhom) fil-proċess indirett/parlamentari għall-iskopijiet tagħhom, jista’ jiġri l-istess fil-proċess dirett/ċiviku. Din hija sfida serja u fundamentali għal kull demokrazija, iżda hija wkoll l-akbar vantaġġ fuq sistemi mhux demokratiċi. Demokrazija rappreżentattiva moderna mibnija kemm fuq pilastri indiretti kif ukoll dawk diretti, għandha tkun kapaċi tiddiskuti fehmiet skomdi u anki estremisti b’mod miftuħ u trasparenti.

4.5   Il-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

4.5.1

Għalkemm il-Kumitat ma kienx involut direttament fil-proċedura ta’ konsultazzjoni li issa tlestiet, b’antiċipazzjoni għar-regolamentazzjonijiet proposti li qed jiġu diskussi fil-Parlament u l-Kunsill, il-Kumitat jixtieq jagħti kontribut infurmat fil-proċess ta’ formazzjoni ta’ opinjoni u qed iressaq il-fehmiet tiegħu hawn taħt dwar il-kwistjonijiet indirizzati fil-Green Paper.

4.6   Numru minimu ta’ Stati Membri li minnhom għandhom jiġu ċ-ċittadini

4.6.1

Il-Kumitat jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li l-limitu għandu jiġi determinat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi. Ma jaqbilx mal-Kummissjoni li huwa meħtieġ mill-inqas terz tal-Istati Membri, jiġifieri disa’ stati, sabiex ikun żgurat li l-interess tal-Unjoni qed jiġi rappreżentat adegwatament; madankollu lanqas ma jaqbel mal-opinjoni li għandhom ċerti organizzazzjonijiet li erba’ Stati Membri biss ikunu biżżejjed.

4.6.2

Anzi, il-Kumitat jaqbel mal-Parlament Ewropew li kwart tal-Istati Membri – li bħalissa jfisser seba’ stati – ikun limitu adegwat. Din iċ-ċifra ntlaħqet b’referenza għall-Artikolu 76 tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni, fuq l-inizjattiva ta’ kwart tal-Istati Membri, ta’ atti legali maħsuba biex tkun żgurata l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u dik ġudizzjarja u l-kooperazzjoni fi kwistjonijiet kriminali. Il-Kumitat jikkunsidra din bħala r-referenza adatta biex ikun żgurat li l-inizjattivi taċ-ċittadini jkollhom dimensjoni verament Ewropea.

4.7   Numru minimu ta’ firem kull Stat Membru

4.7.1

Peress li t-Trattat ta’ Lisbona jirreferi biss għal “numru sinifikanti mill-Istati Membri”, tista’ tkun possibbiltà li ma jiġix speċifikat numru minimu ta’ parteċipanti minn kull pajjiż. Madankollu, minħabba li t-Trattat ripetutament jagħmel referenzi għall-maġġoranza doppja, il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li huwa kontra l-ispirtu tat-Trattat jekk ma jiġix mitlub numru minimu ta’ parteċipanti minn kull Stat Membru.

4.7.2

Minflok ma tiġi stabbilita ċifra riġida ta’ 0,2 % għal kull Stat Membru, il-Kumitat jirrakkomanda li tintuża sistema flessibbli li tippermetti bilanċ adegwat bejn l-Istati. Pereżempju, jista’ jintalab limitu fiss aktar baxx ta’ 0,08 % (13) sabiex jingħaddu l-firmatarji minn Stat Membru, u inizjattiva taċ-ċittadini, ovvjament, irid ikollha total ta’ miljun firma. Il-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kriterji ser joħolqu bilanċ awtomatiku li huwa ġust fir-rigward tal-importanza li t-Trattat jagħti lir-rappreżentanza u l-interess ġenwin Ewropew.

4.7.3

Il-Kumitat jemmen li sistema flessibbli bħal din, li ser tiffaċilita l-implimentazzjoni, hija ġustifikata wkoll minħabba li fl-aħħar mill-aħħar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini ma tirriżultax bħala deċiżjoni vinkolanti iżda sempliċiment “rikjesta” lill-Kummissjoni.

4.8   Eliġibbiltà biex wieħed jappoġġja inizjattiva taċ-ċittadini - età minima

4.8.1

Il-Kumitat huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li, sabiex jiġu evitati piżijiet amministrattivi żejda, l-eliġibbiltà għall-parteċipazzjoni f’inizjattiva taċ-ċittadini għandha tibbaża fuq l-eliġibbiltà tal-parteċipanti biex jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. Minkejja li huwa favur l-idea li jiġu involuti ż-żgħażagħ (pereżempju billi l-età minima tinżel għal 16), dan it-tluq mir-regoli li jintużaw sabiex tiġi determinata l-eliġġibiltà għall-vot fl-elezzjonijiet parlamentari Ewropej se jagħmilha sproporzjonalment diffiċli biex jiġu kkontrollati l-firem, peress li kważi l-pajjiżi kollha jkollhom joħolqu reġistri elettorali doppji.

4.9   Il-forma u l-kliem tal-inizjattiva taċ-ċittadini

4.9.1

Hawnhekk ukoll il-Kumitat jemmen li rekwiżiti riġidi ħafna rigward il-forma mhumiex adatti. għandhom japplikaw ir-rekwiżiti formali meħtieġa għal petizzjonijiet uffiċjali, u għandhom jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti minimi (ara wkoll 4.13). Il-kontenut tal-inizjattiva u d-deċiżjoni mitluba għandhom jiġu ppreżentati b’mod ċar u mhux ambigwu. Dejjem għandu jkun ċar dak li wieħed qed jappoġġja meta jiffirma Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

4.10   Rekwiżiti għall-ġbir, il-verifika u l-awtentiċità tal-firem

4.10.1

M’hemmx raġuni għalfejn m’għandhomx jiġu stabbiliti regoli ta’ proċedura komuni jew standards għall-ġbir, il-verifika u l-awtentiċità fil-livell tal-UE li jkunu differenti mil-liġi nazzjonali peress li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini hija strument parteċipatorju transnazzjonali (ġdid).

4.10.2

Għandhom jiġu awtorizzati l-metodi kollha għall-ġbir tal-firem li jippermettu kontrolli tal-identità. Għandu jkun possibbli l-ġbir ta’ firem kemm permezz ta’ portal fuq l-internet kif ukoll direttament mill-pubbliku. Fil-fehma tal-Kumitat, kundizzjonijiet bħar-rekwiżit li l-awtoritajiet nazzjonali jew nutar għandu jikkonferma l-awtentiċità tal-firem joħolqu ostaklu żejjed. Madankollu, flimkien mal-kontrolli tal-identità għandu jkun żgurat ukoll li dawk li jappoġġjaw l-inizjattiva ffirmaw liberament u indipendentament. Minħabba f’hekk, għandhom jitwaqqfu b’mod partikolari proċeduri għall-ġbir elettroniku tal-firem.

4.10.3

L-isem, l-indirizz u d-data tat-twelid, flimkien ma’ indirizz elettroniku ta’ verifika fil-każ ta’ ġbir ta’ firem bl-internet, huma informazzjoni adegwata għal skopijiet ta’ sigurtà u awtentikazzjoni. L-għan għandu jkun il-garanzija li l-ebda inizjattiva li tikkonforma mar-rekwiżiti minimi għall-ġbir tal-firem stipulati fir-regolament ma jkollha tiffaċċja bla ħsieb ostakli oħra fi kwalunkwe pajjiż tal-UE. Il-firem taċ-ċittadini Ewropej li jgħixu barra għandhom jiġu assenjati lill-pajjiż ta’ residenza tagħhom.

4.10.4

Il-firem għandhom jiġu verifikati mill-Istati Membri; dan jista’ jseħħ bħala parti mill-kontrolli kampjun li ġieli twettqu f’ċerti Stati Membri tal-UE.

4.11   Limitu ta’ żmien għall-ġbir tal-firem

4.11.1

L-esperjenza tal-inizjattivi taċ-ċittadini li twettqu qabel l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona turi li t-tnedija ta’ inizjattiva tista’ tieħu ħafna ħin. Għalhekk il-Kumitat huwa tal-fehma li sena, bħala limitu ta’ żmien propost mill-Kummissjoni, hija qasira wisq u jirrakkomanda li din tinbidel għal 18-il xahar. Minħabba l-fatt hawn fuq imsemmi li l-inizjattivi wara kollox verament iniedu proċess għal-ħolqien ta’ sens ġenwin ta’ sensibilizzazzjoni Ewropea, li jmur lil hinn mill-għan speċifiku ta’ dawn l-inizjattivi, fil-fehma tal-Kumitat ikun ħasra jekk dan il-proċess ma jitħalliex jilħaq riżultat pożittiv – bl-implikazzjonijiet soċjali u legali relatati – minħabba l-limitu relattivament qasir ta’ sena.

4.12   Reġistrazzjoni ta’ inizjattivi proposti

4.12.1

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li huwa f’idejn l-inizjaturi nfushom li jeżaminaw minn qabel li l-inizjattivi tagħhom huma legali u ammissibbli. Għandu jkun possibbli li l-inizjattivi jiġu reġistrati permezz ta’ sit elettroniku li tieħu ħsiebu l-Kummissjoni, li għandu jiġbor ukoll informazzjoni dwar il-kontenut tagħhom sabiex il-pubbliku jkun jista’ jibqa’ aġġornat dwar l-inizjattivi li jkunu għaddejjin.

4.12.2

F’dan il-kuntest, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi għodda ta’ ġbir ta’ firem bl-internet fuq is-sit elettroniku tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li ser jitwaqqaf. Barra minn hekk, is-sit elettroniku jkun jista’ jintuża wkoll bħala forum għal diskussjoni dwar l-inizjattivi varji u b’hekk jgħin biex jiġi żgurat l-aċċess tal-pubbliku għad-dibattitu.

4.12.3

Madankollu, il-Kumitat jemmen li l-inizjaturi tal-inizjattivi taċ-ċittadini għandu jkollhom ukoll aċċess għal punt ta’ kuntatt li jipprovdi konsulenza mhux biss dwar kwistjonijiet proċedurali iżda wkoll dwar kwistjonijiet sustantivi. Il-Kumitat lest li jservi ta’ “helpdesk” f’dan il-każ.

4.12.4

Tista’ tingħata kunsiderazzjoni għal sistema ta’ karti sofor u ħomor li jagħtu indikazzjoni minn kmieni lill-inizjaturi ta’ inizjattiva taċ-ċittadini li l-inizjattiva tagħhom tista’ ma tkunx ammissibbli, minħabba kriterji formali bħalma hija l-kwistjoni li din ma taqax taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni, jew minħabba vjolazzjoni ċara tad-drittijiet fundamentali.

4.13   Rekwiżiti għall-organizzaturi – Trasparenza u finanzjament

4.13.1

Fil-fehma tal-Kumitat l-inizjaturi ta’ inizjattiva għandhom jipprovdu l-informazzjoni t’hawn taħt:

il-kumitat ta’ inizjattiva u r-rappreżentanti esterni tiegħu,

min qed jappoġġjaha,

il-pjan finanzjarju,

ħarsa ġenerali lejn ir-riżorsi umani u l-istrutturi.

4.13.2

Il-Kumitat jikkunsidra bħala kompletament inaċċettabbli d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li ma saret l-ebda dispożizzjoni għall-appoġġ tal-pubbliku jew għall-fondi għall-inizjattivi taċ-ċittadini, b’mod partikolari l-ispjegazzjoni li dan huwa l-uniku mod kif tiġi ggarantita l-indipendenza ta’ dawn l-inizjattivi. Il-Kummissjoni Ewropea tiffinanzja l-istrutturi u l-ħidma ta’ bosta organizzazzjonijiet mhux governattivi effettivi, u mhuwiex ġustifikat li wieħed jassumi li minħabba f’hekk dawn l-atturi tas-soċjetà ċivili saru dipendenti fuq il-Kummissjoni għax huma parzjalment finanzjati minnha. Barra minn hekk, il-konsegwenza loġika tal-approċċ tal-Kummissjoni tkun li organizzazzjonijiet kbar b’appoġġ finanzjarjament b’saħħtu biss se jkunu f’pożizzjoni li jikkunsidraw l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej.

4.13.3

Għalhekk il-Kumitat jissuġġerixxi li l-UE tipprovdi assistenza ta’ fondi ladarba jintlaħaq ċertu punt, pereżempju 50 000 firma minn tliet Stati Membri, sabiex jiġu esklużi kampanji frivoli u dawk li mhemmx tama għalihom. Hawnhekk ukoll jista’ jkollha sehem is-sistema proposta tal-karti sofor u ħomor.

4.14   Eżaminazzjoni tal-inizjattivi taċ-ċittadini mill-Kummissjoni

4.14.1

Il-Kumitat jikkunsidra l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur propost mill-Kummissjoni bħala limitu assolut u jappoġġja l-approċċ f’żewġ stadji propost fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew (xahrejn sabiex jiġu evalwati l-kriterji formali u tliet xhur sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-kontenut) (14). Il-Kummissjoni għandha tagħmel dan il-proċess intern ta’ teħid ta’ deċiżjoni trasparenti kemm jista’ jkun.

4.14.2

Ladarba titressaq inizjattiva taċ-ċittadini b’suċċess, l-ammissibbiltà legali tagħha għandha tiġi eżaminata definittivament.

4.14.3

Waqt il-fażi ta’ evalwazzjoni politika mill-Kummissjoni, il-Kumitat ser jorganizza seduti – jekk jista’ jkun dawn ikunu jinvolvu lill-Parlament u l-Presidenza tal-Kunsill – fejn l-organizzaturi jkunu jistgħu jippreżentaw l-inizjattivi tagħhom lill-Kummissjoni. Fejn ikun xieraq, il-KESE jkun jista’ jikkomplementa wkoll dan il-proċess billi jressaq opinjoni esploratorja jew fuq inizjattiva proprja.

4.14.4

L-aċċettazzjoni, l-aċċettazzjoni parzjali jew ir-rifjut tal-inizjattiva mill-Kummissjoni għandhom jiġu spjegati lill-inizjaturi pubblikament u fid-dettall. Fil-każ ta’ rifjut, il-Kummissjoni għandha tippubblika deċiżjoni formali li għandha tkun soġġetta għal appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.15   Inizjattivi fuq l-istess kwistjoni

4.15.1

Il-Kumitat huwa tal-fehma li mbagħad ikun f’idejn l-inizjaturi li jniedu inizjattiva fuq suġġett simili jekk dawn ikunu jixtiequ. Tajjeb li wieħed jerġa’ jfakkar li l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej hija “inizjattiva ta’ aġenda”. Għalhekk il-Kumitat ma jara l-ebda raġuni li jiġu inkorporati projbizzjonijiet jew ostakli.

4.16   Kummenti addizzjonali

4.16.1

Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandu jkollha t-test tradott fil-lingwi uffiċjali kollha għall-organizzaturi ta’ inizjattiva taċ-ċittadini li diġà sabu 50 000 persuna li tappoġġjaha minn tliet Stati Membri.

5.   Kelmtejn tal-għeluq

5.1   Il-Kumitat jemmen li d-dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 11 tat-TUE, huma elementi importanti fit-triq lejn Ewropa tal-poplu li hija reali u fattibbli, fejn il-pubbliku għandu influwenza reali. Madankollu, jeħtieġ li l-proċessi demokratiċi individwali jiġu definiti b’tali mod li dawn isiru aktar vinkolanti u għandu jkun żgurat li dawn huma sostnuti mill-istrutturi meħtieġa.

5.2   Għalhekk il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala segwitu tal-Green Paper dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, tippubblika Green Paper dwar id-djalogu ċivili li tkopri l-implimentazzjoni prattika tal-Artikoli 11(1) u 11(2), tikkunsidra l-prattika eżistenti, tiddefinixxi l-proċeduri u l-prinċipji b’mod aktar preċiż, tevalwahom u, flimkien mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ttejibhom b’mod partikolari billi toħloq strutturi definiti sew. F’dan il-kuntest ukoll il-Kumitat itenni r-rieda tiegħu li jkun involut skont it-termini tal-mandat tiegħu.

5.3   Huwa jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra sabiex jispjegaw kif dawn beħsiebhom jimplimentaw fil-prattika d-dispożizzjonijiet tat-trattat il-ġdid.

5.4   L-Artikolu 11(4) huwa innovazzjoni demokratika mingħajr preċedent, anki fil-livell internazzjonali. Għall-ewwel darba fl-istorja tad-demokrazija, iċ-ċittadini ta’ bosta pajjiżi għandhom dritt għall-parteċipazzjoni transnazzjonali.

5.5   Dan id-dritt demokratiku ġdid għandu potenzjal enormi. L-iskop tiegħu hu li jsaħħaħ id-demokrazija rappreżentattiva fl-Ewropa. B’mod dirett dan jikkonsolida l-element parteċipatorju tal-mudell demokratiku Ewropew. Madankollu, b’mod indirett dan jista’ jikkontribwixxi wkoll għal aċċess pubbliku u tal-UE aktar b’saħħtu u aktar integrat għal dibattitu madwar l-UE, kif ukoll bħala għajnuna lill-pubbliku biex jidentifika aktar mal-UE. Preċiżament minħabba l-fatt li l-Ewropa hija daqshekk kbira u differenti huwa importanti li jkun żgurat li kull ċittadin, inklużi dawk b’mezzi limitati jew li ma jappartjenux għal organizzazzjonijiet kbar u stabbiliti, ikun jista’ jagħmel użu mill-istrumenti demokratiċi kollha disponibbli. Fi kliem ieħor, l-użu tal-għodod tad-demokrazija m’għandux jiddependi fuq riżorsi finanzjarji kbar.

5.6   It-Trattat ta’ Lisbona kkonferma r-rwol tal-Kumitat bħala korp konsultattiv li jappoġġja lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni u huwa se jkompli jwettaq il-kompiti prinċipali tiegħu u jressaq opinjonijiet fil-qafas tar-responsabbiltajiet assenjati lilu fit-Trattat. Dan se jassumi r-rwol tiegħu bħala pont billi jsir parti aktar ċentrali ta’ infrastruttura demokratika komprensiva fil-livell Ewropew.

5.7   Sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tiegħu jappoġġjaw l-istituzzjonijiet tal-UE hawn fuq imsemmija bl-aktar mod effettiv possibbli u sabiex jiġu ottimizzati l-metodi ta’ ħidma tiegħu, huwa jipproponi wkoll, fil-kuntest tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, li:

iħejji opinjoni dwar inizjattivi taċ-ċittadini li ġew aċċettati formalment mill-Kummissjoni, waqt il-limitu ta’ żmien għall-evalwazzjoni tagħhom;

fejn ikun xieraq, iħejji opinjoni bħala appoġġ għall-inizjattiva taċ-ċittadini li tkun għaddejja;

jorganizza seduti dwar inizjattivi ta’ suċċess (flimkien mal-organizzaturi, il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill);

jistabbilixxi helpdesk ta’ informazzjoni (bħala punt ta’ kuntatt għall-pubbliku dwar kwistjonijiet proċedurali u oħrajn);

jipprovdi informazzjoni bħala sostenn (il-pubblikazzjoni ta’ gwida dwar id-demokrazija parteċipattiva, konferenzi dwar l-implimentazzjoni prattika, eċċ.).

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Flimkien mal-president tal-Konvenzjoni, is-Sur Valéry Giscard d'Estaing, u ż-żewġ deputati tiegħu, is-Sur Guiliano Amato u s-Sur Jean-Luc Dehaene, din kienet komposta mill-membri li ġejjin:

15-il rappreżentant tal-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern tal-Istati Membri;

13-il rappreżentant tal-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern tal-pajjiżi kandidati;

30 membru tal-Parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri;

26 membru tal-Parlamenti nazzjonali tal-pajjiżi kandidati;

16-il Membru Parlamentari Ewropew;

Żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea.

Kien hemm ukoll 13-il osservatur tal-KESE, il-KtR, l-imsieħba soċjali u l-ombudsman Ewropew. L-osservaturi tal-KESE kienu Göke Frerichs, Roger Briesch u Anne-Marie Sigmund.

(2)  L-Artikolu 10 tat-TUE jistipula li “il-funzjonament tal-Unjoni” huwa bbażat fuq “id-demokrazija rappreżentattiva”.

(3)  COM(2009) 622 finali, 11.11.2009.

(4)  Opinjoni tal-25.04.2001 dwar Is-soċjetà ċivili organizzata u l-governanza Ewropea: il-kontribut tal-Kumitat għall-abbozzar tal-White Paper – ĠU C 193, 10.7.2001(mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Opinjoni tal-14.2.2006 dwar Ir-rappreżentattività tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Ewropej fid-djalogu ċivili – ĠU C 88, 11.4.2006(mhux disponibbli bil-Malti).

(6)  Opinjoni esploratorja tad-9.7.2008 dwar Programm ta’ Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid – ĠU C 27, 3.2.2009(punti 7.6 and 7.7).

(7)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(8)  Opinjoni tat-13.7.2000 dwar id-dokument ta’ diskussjoni tal-Kummissjoni bit-titolu Il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi: il-bini ta’ sħubija iktar b’saħħitha, ĠU C 268, 19.9.2000(mhux disponibbli bil-Malti), u Opinjoni tal-24.9.1999 dwar ir-Rwol u l-kontribut tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-bini tal-Ewropa, ĠU C 329, 17.11.1999(mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Opinjoni tal-25.04.2001 dwar Is-soċjetà ċivili organizzata u l-governanza Ewropea: il-kontribut tal-Kumitat għall-abbozzar tal-White Paper – ĠU C 193, 10.7.2001(mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  Opinjoni tal-20.4.2002 dwar It-Tmexxija Ewropea – White Paper- ĠU C 125, 27.5.2002(mhux disponibbli bil-Malti).

(11)  COM(2001) 428 finali, 25.7.2001.

(12)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7.5.2009, ir-relatur kienet is-Sinjura Sylvia-Yvonne Kaufmann (T6-0389/2009).

(13)  Dan il-persentaġġ huwa bbażat fuq ir-rekwiżit minimu ta’ 0,08 % għal inizjattiva taċ-ċittadini fl-Italja.

(14)  Dan għandu jsir bl-istess mod tal-proċedura għall-inizjattivi tal-Parlament Ewropew kif imsemmi fl-Artikolu 225 TFUE; ara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Frar 2010 dwar Ftehim Qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għat-terminu leġiżlattiv li jmiss (P7-TA-2010-0009).


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-461 sessjoni plenarja fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010

28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk ta’ marlozz tat-Tramuntana u s-sajd li qed jisfrutta dak l-istokk”

COM(2009) 122 finali — 2009/0039 (CNS) (1)

2010/C 354/11

Il-Kunsill, f’ittra tat-18 ta’ Jannar 2010 u l-Parlament Ewropew nhar il-5 ta’ Marzu 2010, iddeċidew li b’konformità mal-Artikolu 43 tat-TFUE, li jiġi Artikolu 37 tat-TKE, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk ta’ marlozz tat-Tramuntana u s-sajd li qed jisfrutta dak l-istokk

COM(2009) 122 finali — 2009/0039 (CNS) (1).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu tas-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tas-17 ta' Marzu), unanimament li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-akronomu għandu jkun COD.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/67


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Skema ta’ kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni rigward is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku”(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

COM(2009) 151 finali — 2009/0051 (CNS) (1)

2010/C 354/12

Nhar it-18 ta' Jannar 2010 l-Kunsill, u nhar il-5 ta' Marzu 2010 l-Parlament Ewropew iddeċiedew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li kien l-artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi Skema ta' kontroll u infurzar applikabbli fiż-żona koperta mill-Konvenzjoni dwar il-kooperazzjoni multilaterali fil-ġejjieni rigward is-Sajd fil-Grigal tal-Atlantiku

COM(2009) 151 finali — 2009/0051 (CNS) (1).

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu tas-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tas-17 ta' Marzu 2010), b’vot unanimu, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-akronimu jrid jiġi COD


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-istokk tal-Punent ta’ sawrell tal-Atlantiku u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk”

COM(2009) 189 finali — 2009/0057 (CNS) (1)

2010/C 354/13

Il-Kunsill, nhar it-18 ta' Jannar 2010, u l-Parlament Ewropew nhar il-5 ta' Marzu 2010, iddeċiedew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat TFUE, li qabel kien l-Artikolu 37 tat-Trattat TKE, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan multiannwali għall-istokk tal-Punent ta' sawrell tal-Atlantiku u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk

COM(2009) 189 finali — 2009/0057 (CNS) (1)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu tas-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tas-17 ta' Marzu), b’vot unanimu, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-akronimu għandu jkun COD.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/69


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk ta' inċova fil-Bajja ta' Biscay u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk

COM(2009) 399 finali — 2009/0112 (CNS) (1)

2010/C 354/14

Fid-19 ta' Jannar 2010 u fil-5 ta' Marzu 2010 rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dak li kien l-Artikolu 37 tat-Trattati li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk ta' inċova fil-Bajja ta' Biscay u s-sajd li jisfrutta dak l-istokk

COM(2009) 399 finali — 2009/0112 (CNS) (1)

Billi l-Kumitat iqis li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu tas-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tas-17 ta' Marzu), b’vot unanimu, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-akronimu għandu jinqara COD


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/70


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ dokumentazzjoni tal-qbid għat-tonn Thunnus thynnus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1984/2003”

COM(2009) 406 finali — 2009/0116 (CNS) (1)

2010/C 354/15

Il-Kunsill, nhar id-19 ta’ Jannar 2010, u l-Parlament Ewropew nhar il-5 ta’ Marzu 2010, iddeċiedew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat TFUE, li qabel kien l-Artikolu 37 tat-Trattat TKE, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ dokumentazzjoni tal-qbid għat-tonn Thunnus thynnus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1984/2003

COM(2009) 406 finali — 2009/0116 (CNS) (1)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kumment min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu tas-17 u 18 ta’ Marzu 2010 (seduta tas-17 ta’ Marzu 2010), b’mod unanimu, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-akronimu għandu jkun COD


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-Żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran)”

COM(2009) 477 finali — 2009/0129 (CNS) (1)

2010/C 354/16

Nhar id-19 ta' Jannar 2010 u l-5 ta' Marzu rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-TFUE, li qabel kien l-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-Żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran)

COM(2009) 477 finali — 2009/0129 (CNS) (1)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u m’hemm bżonn tal-ebda kummenti min-naħa tiegħu, iddeċieda, matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu tas-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tas-17 ta' Marzu), unanimament, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-akronimu għandu jkun COD u mhux CNS.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/72


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 247/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar ’il bogħod tal-Unjoni”

COM(2009) 510 finali — 2009/0138 (CNS) (1)

2010/C 354/17

Nhar id-19 ta' Frar 2010 u nhar it-18 ta' Frar 2010, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, fid-dati rispettivi ddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 43 tat-TFUE, li qabel kien l-Artikolu 37 tat-TKE, li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 247/2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikultura fir-reġjuni l-aktar ’il bogħod tal-Unjoni

COM(2009) 510 finali – 2009/0138 (CNS) (1)

Billi l-Kumitat jikkunsidra li l-kontenut tal-proposta huwa kompletament sodisfaċenti u li barra minn hekk diġà ta fehmtu fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu CES 771/2008 u CESE 255/2010 adottati fit-22 ta' April 2008 (2) u s-17 ta' Frar 2010 (3), matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu tas-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tas-17 ta' Marzu ) iddeċieda unanimament li jagħti opinjoni favoreveli għat-test propost u li jagħmel referenza għall-pożizzjoni li ħa fid-dokumenti msemmija.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-akronimu għandu jinqara COD.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar Strateġija għall-ibgħad reġjuni: kisbiet u prospettivi fil-ġejjieniĠU C 211, 19.8.2008, p. 72.

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar L-impatt tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi (ir-reġjun tal-Karibew) – ĠU C…, p….


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/73


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Il-Qafas Ġejjieni tal-Liġi tal-Kompetizzjoni applikabbli għas-settur tal-vetturi bil-mutur”

COM(2009) 388 finali

2010/C 354/18

Relatur: Bernardo HERNÁNDEZ BATALLER

Nhar it-22 ta' Lulju 2009, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Il-Qafas Ġejjieni tal-Liġi tal-Kompetizzjoni applikabbli għas-settur tal-vetturi bil-mutur

COM(2009) 388 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, responsabbli sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Marzu 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tat-18 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’84 vot favur, 5 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar is-settur u l-oqsma fejn hemm bżonn ta' kompetizzjoni msaħħa. Wara analiżi tal-għażliet imresssqa mill-Kummissjoni, il-KESE jippreferi li jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur fil-forma ta' linji gwida mehmużin mal-eżenzjoni ġenerali ta' kategorija. Għalhekk il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti għal regolament u għal linji gwida supplimentari. Madankollu, jenfasizza li dawn għandhom jinqraw b’rabta mal-Linji Gwida Vertikali Ġenerali u bħala suppliment tagħhom, u li dawn il-linji gwida għadhom ma ġewx ippreżentati. Minħabba f’hekk huwa diffiċli li ssir interpretazzjoni indipendenti tagħhom.

1.2   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-bżonn li jiġi stabbilit qafas legali li għandu jkollu impatt ġenerali pożittiv fuq il-benesseri tal-konsumaturi u li jsaħħaħ il-protezzjoni tagħhom. Itenni l-approċċ diġà meħud fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kompetizzjoni (1).

1.3   Madankollu, jeħtieġ li jiġi stabbilit perijodu ta' tranżizzjoni ta' sentejn għall-bejjiegħa, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju. Għal raġunijiet ta' ċertezza legali u fuq il-bażi tal-prinċipju tal-istennijiet leġittimi u tal-proporzjonalità, dawn għandhom bżonn ta' perijodu ta' żmien raġonevoli biex ikunu jistgħu jiksbu l-benefiċċju tal-investiment imwettaq, jadattaw aħjar għall-progress teknoloġiku tas-suq u jagħtu kontribut għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq.

1.4   Bl-istess mod, il-KESE jittama li l-qafas legali l-ġdid jipprovdi lill-operaturi kollha b’ċertezza legali mingħajr ma joħloq ostakoli ġodda għall-intrapriżi, u jkun ibbażat fuq il-prinċipji tal-“Ismall Business Act” u l-objettivi tal-kompetizzjoni li jinsabu fir-Regolament 1400/2002.

1.5   Il-KESE jqis li l-linji gwida supplimentari m’għandhom japplikaw l-ebda limitu fuq il-ftehimiet ta' marka unika. B’dan il-mod jiġi rispettat ir-Regolament il-ġdid dwar l-eżenzjoni ta' kategorija.

1.6   Il-ftehimiet dwar il-vetturi kummerċjali jistgħu jiġu rregolati mir-Regolament ġenerali dwar il-kategoriji ta' ftehimiet vertikali fir-rigward tas-swieq ta' wara l-bejgħ.

2.   Introduzzjoni

2.1   Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002 tal-Kummissjoni tal-31 ta' Ġunju 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiki miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (2), ġew stabbiliti regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2790/1999 tal-Kummissjoni tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiki miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (3).

2.2   Ir-Regolament (KE) Nru 1400/2002 tal-Kummissjoni jiffoka l-aktar fuq il-prattiki u l-imġiba li jwasslu għal restrizzjoni serja tal-kompetizzjoni u jippreżenta lista ta' restrizzjonijiet li minħabba fihom dan ir-Regolament ma jistax jiġi applikat għall-oqsma kollha ta' ftehim (“restrizzjonijiet intransiġenti”) u lista oħra ta' restrizzjonijiet mhux awtorizzati iżda li ma jevitawx li l-eżenzjoni stabbilita mir-Regolament tiġi applikata għall-bqija tal-ftehim (“kondizzjonijiet speċifiċi”).

2.3   Il-karatteristiċi ewlenin ta' dan ir-Regolament Nru 1400/2002 tal-Kummissjoni huma dawn li ġejjin:

ma japplikax esklużivament għall-karozzi tal-passiġġieri, iżda japplika wkoll għal tipi oħra ta' vetturi bħall-karozzi tal-linja u t-trakkijiet;

jobbliga lil kull manifattur jagħżel bejn sistema ta' distribuzzjoni selettiva u sistema ta' distribuzzjoni esklużiva, bl-eżenzjoni ta' żewġ tipi ta' sistemi ta' distribuzzjoni priċipalment:

is-sistema esklużiva, dejjem sakemm il-manifattur jalloka lil kull distributur jew sewwej żona esklużiva ta' bejgħ (jew grupp esklużiv ta' kljienti). Fi ħdan iż-żona allokata ma jista’ jagħżel l-ebda distributur ieħor. Jistgħu jiġu imposti lil distributuri bħal dawn ċerti livelli minimi ta' kwalità. B’hekk tissaħħaħ il-kompetizzjoni, permezz tal-bejgħ passiv fiż-żona esklużiva u b’mod partikolari l-bejgħ lil bejjiegħa bl-imnut barra min-netwerk;

is-sistema selettiva, dejjem sakemm il-fornitur jimpenja ruħu li jbigħ il-merkanzija u s-servizzi appaltati, direttament jew indirettament, lil distributuri jew sewwejja magħżula fuq il-bażi ta' kriterji speċifiċi. Sistema ta' distribuzzjoni selettiva tista’ tkun ibbażata fuq kriterji kwantitattivi jew kwalitattivi, jew fuq iż-żewġ tipi ta' kriterji;

mhuwiex permess li fi ħdan l-istess kuntratt ikun hemm klawsoli ta' distribuzzjoni selettiva u distribuzzjoni esklużiva. Konkretament, mhuwiex permess li tintuża l-hekk imsejħa “klawsola ta' stabbiliment” f’sistema ta' distribuzzjoni selettiva, filwaqt li din setgħet tiġi imposta fuq id-distributuri esklużivi;

ir-Regolament jagħmel distinzjoni bejn tliet swieq differenti ta' prodotti fl-Artikolu 8(1):

id-distribuzzjoni ta' vetturi ġodda bil-mutur: is-sehem mis-suq huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-volum tal-merkanzija u tas-servizzi appaltati mibjugħa mill-fornituri, flimkien ma' xi merkanzija oħra mibjugħa mill-fornitur li hija stmata bħala li tista’ titpartat jew titbiddel mix-xerrej minħabba l-karatteristiċi tal-prodott, il-prezz u l-użu intenzjonat;

id-distribuzzjoni tal-“ispare parts”: is-sehem mis-suq huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-valur tal-merkanzija appaltata u merkanzija oħra mibjugħa mill-fornitur, flimkien ma' kull forma oħra ta' merkanzija mibjugħa mill-fornitur li hija stmata bħala li tista’ titpartat jew titbiddel mix-xerrej minħabba l-karatteristiċi tal-prodott, il-prezz u l-użu intenzjonat;

is-servizzi ta' tiswija u manutenzjoni: is-sehem mis-suq huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-valur tas-servizzi appaltati mibjugħa minn membri tan-netwerk ta' distribuzzjoni tal-fornitur flimkien ma' xi servizzi oħra mibjugħa minn dawn il-membri li huma stmati bħala li jistgħu jitpartu jew jitbiddlu mix-xerrej, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezz u l-użu intenzjonat;

minbarra l-limiti tas-sehem mis-suq, fl-Artikolu 6(1)(ċ) tiegħu r-Regolament iqis bħala inkompatibbli d-differenza sostanzjali fil-prezzijiet jew kondizzjonijiet ta' fornitura ta' merkanzija appaltata jew merkanzija korrispondenti bejn suq ġeografiku u ieħor. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tista’ tirtira l-eżenzjoni stabbilita mir-Regolament;

il-Kummissjoni ppruvat tindirizza l-ostakoli għall-kummerċ parallel, u r-Regolament 1400/2002 iqis li l-limitazzjoni tal-bejgħ mill-fornituri lill-utenti finali ta' Stati Membri oħra (pereżempju l-iffissar tal-prezz ta' xiri u tal-ħlas tad-distributur skont id-destinazzjoni tal-vetturi jew tar-residenza tal-utenti finali) tikkostitwixxi restrizzjoni indiretta tal-bejgħ. Barra minn hekk, mhumiex permessi l-objettivi ta' bejgħ, l-allokazzjoni tal-prodotti jew is-sistemi ta' bonus ibbażati f’reġjun iżgħar minn dak tas-suq komuni.

2.4   Il-qafas legali tas-settur tal-vetturi bil-mutur inbidel f’dawn l-aħħar snin, speċjalment bis-saħħa tal-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 tar-Regolament (KE) dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (4). Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament kienu volontarji iżda saru vinkolanti f’Settembru 2009 (5). Madankollu għal ċertu żmien għadd kbir ta' vetturi mhux ser ikunu koperti minn dan ir-Regolament u ser jirrappreżentaw suq konsiderevoli għas-sewwejja indipendenti.

2.4.1   Fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq tal-ispare parts għall-vetturi, fuq il-bażi tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali tal-manifattur, l-użu ġeneralizzat ta' ftehimiet ta' sottokuntrattar mal-fornituri ta' tagħmir oriġinali (ftehimiet ta' tagħmir) wassal għall-fatt li ċerti spare parts għadhom ibblukkati fin-netwerks tal-manifatturi tal-vetturi.

2.4.2   Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni pproponiet, fil-proposta riveduta għal direttiva dwar id-disinni, li tiġi introdotta “klawsola dwar it-tiswijiet”. Il-KESE appoġġja din il-proposta, u tenna (6) li l-monopolju mogħti lis-sid ta' disinn jirreferi unikament għall-forma esterna tal-prodott, u mhux għall-prodott innifsu, u li jekk l-ispare parts ikkonċernati mill-klawsola ta' tiswija jiġu rregolati mill-iskema ta' protezzjoni tad-disinn jiġi stabbilit monopolju tal-prodott fis-suq sekondarju, u dan joħloq kontradizzjoni fir-rigward tal-protezzjoni legali tad-disinn u l-mudelli.

2.5   Konkretament, fir-rigward tas-settur tal-karozzi, il-KESE adotta opinjoni dwar “Is-swieq tal-partijiet u s-swieq downstream tas-settur tal-karozzi” (7), li fiha nnota li l-operaturi tas-suq downstream huma l-manifatturi tal-vetturi, il-fornituri tagħhom u l-operaturi indipendenti jew awtorizzati fis-swieq ta' manutenzjoni tal-karozzi, tal-ispare parts u tal-aċċessorji, kif ukoll dawk involuti fil-manifattura, id-distribuzzjoni u l-bejgħ bl-imnut, b’netwerk ta' 834 700 intrapriża, essenzjalment SMEs, b’turnover totali ta' 1 107 biljun euro u li jħaddmu madwar 4.6 miljun impjegat.

3.   Żviluppi reċenti tad-dokumenti tal-Kummissjoni

3.1   Fil-21 ta' Diċembru 2009, il-Kummissjoni approvat:

Abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat lil kategoriji ta' ftehimiet vertikali u prattiki miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur, u

Abbozz ta' avviż tal-Kummissjoni: linji gwida supplimentari dwar restrizzjonijiet vertikali fi ftehimiet dwar il-bejgħ u t-tiswija ta' vetturi bil-mutur u għad-ditribuzzjoni tal-ispare parts għall-vetturi bil-mutur.

Il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika dwar dawn:

3.2   Fil-15 ta' Jannar 2010, il-Kummissarju inkarigat mill-kompetizzjoni ddeċieda li jgħaddi lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iż-żewġ testi msemmija fil-punt preċedenti, u esprima l-interess tiegħu għall-opinjoni tal-KESE dwar dawn l-abbozzi ta' liġijiet.

3.3   B’konsegwenza ta' dan, f’din l-opinjoni dwar id-dokument COM(2009) 388 finali, ir-relatur analizza fl-istess ħin l-abbozzi ta' liġijiet imsemmija fil-punt 3.1.

4.   Sommarju tad-dokumenti tal-Kummissjoni

4.1   Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-Qafas Ġejjieni tal-Liġi tal-Kompetizzjoni applikabbli għas-settur tal-vetturi bil-mutur” tipproponi dan li ġej:

a)

Fir-rigward tal-ftehimiet dwar il-bejgħ ta' vetturi bil-mutur ġodda, mill-31 ta' Mejju 2013 ’il quddiem:

li jiġu applikati għall-ftehimiet vertikali r-regoli ġenerali tal-proposta l-ġdida għal eżenzjoni ta' kategorija;

li jiġu adottati linji gwida speċifiċi għas-settur għall-prevenzjoni tal-esklużjoni mis-suq tal-manifatturi tal-vetturi li jinsabu f’kompetizzjoni, u għas-salvagwardja tal-aċċess tagħhom għas-swieq tal-bejgħ bl-imnut u tat-tiswija tal-vetturi, biex tiġi protetta l-kompetizzjoni bejn il-marki u jitħares l-effett dissważiv tal-Artikolu 81;

li jinżammu d-dispożizzjonijiet tar-Regolament applikabbli għall-ftehimiet ta' distribuzzjoni tal-vetturi bil-mutur sal-31 ta' Mejju 2013.

b)

Fir-rigward tal-ftehimiet ta' servizzi ta' tiswija u manutenzjoni u/jew ta' provvista u ta' distribuzzjoni ta' spare parts, mill-31 ta' Mejju 2010:

li jiġu applikati għall-ftehimiet vertikali r-regoli ġenerali tal-proposta l-ġdida għal eżenzjoni ta' kategorija;

li jiġu adottati linji gwida speċifiċi għas-settur, permezz ta' regolament ta' eżenzjoni għall-kategoriji speċifiċi jew permezz ta' għaqda taż-żewġ strumenti bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jwieġbu għat-tħassib imqajjem dwar il-kompetizzjoni b’mod iktar wiesa’ u komprensiv, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin: i) l-aċċess għall-informazzjoni teknika; ii) l-aċċess għall-ispare parts; iii) l-użu mhux adegwat tal-garanziji; iv) l-aċċess għan-netwerks ta' sewwejja awtorizzati.

4.2   L-Abbozz ta' Regolament dwar l-eżenzjoni

4.2.1   Dawn il-ftehimiet vertikali jistgħu jtejbu l-effiċjenza ekonomika fi ħdan katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni billi jassiguraw koordinazzjoni aħjar bejn l-entitajiet involuti, għalkemm dan jiddependi mil-livell ta' setgħa fis-suq tal-partijiet imsieħba fil-ftehim.

4.2.2   Barra minn hekk, dawn il-ftehimiet vertikali fihom restrizzjonijiet li kapaċi jirrestrinġu l-kompetizzjoni u jagħmlu ħsara lill-konsumaturi, jew li mhumiex indispensabbli għall-ksib tal-effetti pożittivi msemmija hawn fuq u għandhom jiġu esklużi mill-benefiċċju ta' eżenzjoni ta' kategorija.

4.2.3   L-abbozz jagħmel distinzjoni bejn ftehimiet għal distribuzzjoni ta' vetturi bil-mutur ġodda (“suq primarju”) u ftehimiet għas-servizzi ta' tiswija u manutenzjoni u d-distribuzzjoni tal-ispare parts (“suq sekondarju”).

4.2.4   Ir-regoli tar-Regolament Ġenerali dwar il-ftehimiet vertikali ser jiġu applikati għas-“suq primarju”: b’mod partikolari l-limiti tas-sehem mis-suq, in-non eżenzjoni ta' ċerti ftehimiet vertikali u l-kondizzjonijiet ipprovduti fir-Regolament, skont liema l-ftehimiet vertikali jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mogħtija mir-Regolament Ġenerali, bir-rispett tal-kondizzjonijiet kollha stipulati fih. Dan jagħmel sens, billi dan huwa suq fejn hemm ċerta kompetizzjoni.

4.2.5   Fir-rigward tas-“suq sekondarju”, ċerti karatteristiċi speċifiċi tas-suq ta' wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur, marbutin mal-progress teknoloġiku u l-kumplessità u l-affidabbiltà dejjem tikber tal-partijiet tal-karozzi li l-manifuatturi tal-vetturi jixtru mingħand il-fornituri ta' tagħmir oriġinali, għandhom jiġu kkunsidrati.

4.2.6   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-kondizzjonijiet kompetittivi fis-suq ta' wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur għandhom ukoll impatt dirett fuq is-sigurtà pubblika, billi l-vettura tista’ ma tkunx sikura jekk ma tkunx issewwiet sewwa, kif ukoll fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent minħabba l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u sorsi oħra ta' tniġġis li jirrikjedu manutenzjoni regolari tal-vettura.

4.2.7   Il-ftehimiet vertikali għad-distribuzzjoni tal-ispare parts u għas-servizzi tat-tiswija u l-manutenzjoni għandhom jibbenefikaw minn eżenzjoni ta' kategorija biss jekk, b’żieda mal-kondizzjonijet għall-eżenzjoni stipulati fir-Regolament Ġenerali għal tali ftehimiet, jissodisfaw ukoll rekwiżiti iktar stretti rigward ċerti tipi ta' restrizzjonijiet severi tal-kompetizzjoni li jistgħu jillimitaw il-provvista ta' spare parts fis-suq ta' wara l-bejgħ tal-karozzi, b’mod speċjali:

ftehimiet li jirrestrinġu l-bejgħ ta' spare parts minn membri tas-sistema tad-distribuzzjoni selettiva ta' manifattura tal-vetturi lil sewwejja indipendenti, li jużawhom għas-servizzi tat-tiswija jew tal-manutenzjoni;

ftehimiet li, minkejja l-fatt li jikkonformaw mar-Regolament Ġenerali, xorta jirrestrinġu l-kapaċità ta' produttur tal-ispare parts li jbigħ tali partijiet lil sewwejja awtorizzati fi ħdan is-sistema ta' distribuzzjoni ta' manifattur tal-vetturi, distributuri indipendenti ta' spare parts, sewwejja indipendenti jew utenti finali: xejn minn dan ma jaffettwa l-applikazzjoni tar-regoli tar-responsabbiltà tal-liġi privata, il-possibbiltà li wieħed ikollu bżonn ta' spare parts li jaqblu mal-kwalità tal-komponenti, u saħansitra ftehimiet li jkun fihom obbligi dwar is-sewwejja awtorizzati li jużaw spare parts biss li jkunu forniti mill-manifattur tal-vetturi għal dawn it-tiswijiet fil-perijodu kopert mill-garanzija;

ftehimiet li jillimitaw il-kapaċità ta' manifattur ta' komponenti jew spare parts oriġinali li jużaw it-trademark jew il-logo ta' dawn il-partijiet b’mod effettiv u viżibbli.

4.3   L-Abbozz ta' Linji Gwida Supplimentari

4.3.1   Il-linji gwida jistabbilixxu l-prinċipji biex jiġu evalwati, b’konformità mal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kwistjonijiet marbutin mal-kuntest ta' limiti vertikali fi ftehimiet għall-bejgħu u t-tiswija ta' vetturi bil-mutur għad-distribuzzjoni tal-ispare parts. Dawn il-linji gwida huma applikati mingħajr ħsara għall-applikabbiltà tal-linji gwida ġenerali dwar il-ftehimiet vertikali li jkunu mehmużin magħhom.

4.3.2   Fl-interpretazzjoni ta' dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni ser tikkunsidra wkoll il-Kodiċi ta' Kondotta ppreżentat mill-assoċjazzjonijiet tal-manifatturi tal-karozzi ACEA u JAMA b’rabta ma' ċerti prattiki tajbin tan-negozji li l-manifatturi tal-vetturi bil-mutur huma obbligati li japplikaw sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet it-tajba fit-twettiq tal-obbligi kuntrattwali tagħhom fir-rigward tad-distributuri u s-sewwejja awtorizzati tagħhom.

4.3.3   Il-linji gwida huma strutturati kif ġej:

l-ambitu tal-eżenzjoni ta' kategorija għall-vetturi bil-mutur u r-relazzjoni mal-eżenzjoni ta' kategorija vertikali ġenerali;

l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet supplimentari fl-eżenzjoni ta' kategorija tal-vetturi bil-mutur;

it-trattament ta' limiti speċifiċi: marka unika u distribuzzjoni selettiva.

4.3.4   Qiegħda tiġi introdotta innovazzjoni fir-rigward tal-marka unika: il-bidu tal-perijodu ta' ħames snin huwa l-punt ta' tluq tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet, u mhux is-sostituzzjoni ta' dokument kuntrattwali minn ieħor li jkopri l-istess kontenut. Iżda dan jidher fin-nota 9 f’qiegħ il-paġna u mhux fit-test tal-linji gwida. Fid-dawl tal-importanza ta' din il-bidla, ikun aħjar li din l-informazzjoni tidher fit-test prinċipali.

4.3.5   Il-linji gwida jelenkaw obbligi mhux kompleti u l-effetti kemm negattivi (ostakoli għad-dħul jew l-espansjoni minn fornituri f’kompetizzjoni) kif ukoll pożittivi tagħhom (jgħinu biex tingħeleb il-problema tal-“free rider”, itejbu l-immaġni tal-marka u r-reputazzjoni tan-netwerk ta' distribuzzjoni).

4.3.6   L-aċċess għall-informazzjoni teknika minn sewwejja indipendenti u l-użu ħażin tal-garanziji huma importanti fir-rigward tad-distribuzzjoni selettiva.

5.   Kummenti

5.1   Is-settur tal-karozzi – karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali – ilu iktar minn għoxrin sena rregolat minn Regolamenti speċifiċi ta' eżenzjoni ta' kategorija.

5.2   Fir-rapport ta' valutazzjoni li ppreżentat fil-31 ta' Mejju 2008, il-Kummissjoni analizzat l-impatt tal-eżenzjoni ta' kategorija fuq il-prattiki tas-settur tal-karozzi. Dan ir-rapport irċieva bosta kummenti min-naħa tal-partijiet interessati u wassal għal rapport ieħor ta' valutazzjoni ta' impatt imfassal mis-servizzi tal-Kummissjoni (SEC(2009) 1052, SEC(2009) 1053), li għandhom preferibbilment jinqraw flimkien mal-Komunikazzjoni COM(2009) 388 finali.

5.3   Bħalissa qiegħda tiġi riveduta u adottata eżenzjoni ġenerali ġdida ta' kategorija li ser tissostitwixxi, minn Mejju 2010 ’il quddiem, lir-Regolament attwali (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta' Diċembru 1999. Bl-idea li dan ir-Regolament ser jiġi rivedut, il-Kummissjoni tipproponi li:

inizjalment, hemm tliet possibbiltajiet sekondarji għas-settur tal-vetturi bil-mutur: (ii) l-applikazzjoni pura tal-eżenzjoni ta' kategorija għall-ftehimiet vertikali (iii) l-adozzjoni ta' linji gwida speċifiċi għas-settur flimkien mal-eżenzjoni ta' kategorija ġenerali, u (iv) l-adozzjoni ta' Regolament ta' eżenzjoni ta' kategorija, b’enfasi fuq ir-restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni fis-servizzi ta' wara l-bejgħ.

sussegwentement, bl-Abbozz ta' Regolament u l-Linji Gwida, jiġi adottat Regolament b’dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur akkumpanjati minn linji gwida.

5.4   Ix-xiri ta' karozza, flimkien max-xiri ta' dar, huwa l-ikbar element fil-baġit ta' familja ta' konsumaturi Ewropej u jirrappreżenta l-iktar eżempju ċar tal-importanza u l-livell tat-twettiq tas-suq uniku. Fl-istimi tas-settur, huwa kkunsidrat li 40 % tal-l-ispiża totali tal-“ħajja utli” ta' karozza hija allokata għall-ispiża inizjali, 40 % tas-somma tintefaq għall-manutenzjoni u 20 % għall-assigurazzjoni.

5.5   L-għan essenzjali tal-konsumaturi Ewropej fil-qasam tal-kompetizzjoni tas-settur tal-vetturi bil-mutur huwa li jagħżlu l-post fejn jixtru u, meta jkun hemm bżonn, isewwu l-karozza tagħhom bl-aqwa prezz possibbli, u li jkollhom l-aqwa sigurtà possibbli fit-triq.

5.6   Filwaqt li huwa kruċjali li jiġi żgurat suq b’saħħtu u kompetittiv li jkun aġġornat fil-qasam tal-iżvluppi teknoloġiċi u jinkludi l-atturi ekonomiċi kollha tas-settur tal-karozzi u b’mod partikolari l-SMEs, huwa wkoll importanti li l-konsumaturi jingħataw sinjali ta' kunfidenza.

5.7   Ir-Regolament attwali (KE) Nru 1400/2002 jintroduċi wħud minn dawn is-sinjali pożittivi: pereżempju, permezz ta' dan ir-Regolament, garanziji maħruġa fi Stat Membru minn manifattur isiru validi, fl-istess kondizzjonijiet, fl-Istati Membri kollha; konsumatur bi ktejjeb ta' garanzija mingħand bejjiegħ fi Stat Membru ieħor mhux ser ikollu bżonn jistenna li l-garanzija tiġi rikonoxxuta f’pajjiżu; u l-bejjiegħ jew sewwej fejn il-konsumatur ħalla l-karozza tiegħu ma jkunx jista’ jitlob ħlas jew dokumenti addizzjonali.

5.8   Madankollu, ser ikomplu jeżistu d-diffikultajiet marbutin mal-bejgħ mill-ġdid ta' vetturi ġodda lil bejjiegħa intermedjarji, mal-eżiġenzi tal-fornituri fir-rigward tal-bejjiegħa, b’mod partikolari biex jiġu sodisfatti l-kriterji tal-“identità tal-marka”, mal-libertà tax-xiri mingħand bejjiegħa awtorizzati jew importaturi nazzjonali oħra, u restrizzjonijiet indiretti fuq il-provvista ta' vetturi bejn bejjiegħa awtorizzati.

5.9   Il-Kummissjoni segwiet mill-qrib l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002, b’deċiżjonijiet eżemplari bħall-erba’ deċiżjonijiet adottati fl-2007 li pprovdew linji gwida importanti fil-qasam tal-aċċess għall-informazzjoni teknika (Każ Comp/39.140-39.143, li jinvolvi lil DaimlerChrysler, Fiat, Toyota u Opel (8)).

5.10   Tmien snin wara l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002, l-indikaturi ekonomiċi qed jikkonfermaw li l-livell ta' kompetizzjoni fis-swieq rilevanti, li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni favur eżenzjoni ta' kategorija iktar stretta u speċifika għas-settur, tjieb b’mod konsiderevoli.

5.11   Dan l-ambjent dinamiku, kompetittiv u kumpless huwa kkaratterizzat b’mod partikolari minn waqgħa fil-prezzijiet reali tal-vetturi bil-mutur ġodda, id-daħla ta' marki ġodda fis-suq, fluttwazzjoni fis-sehem mis-suq għal marki li jinsabu f’kompetizzjoni, konċentrazzjoni moderata u fuq l-inżul, u iktar possibbiltajiet għall-konsumaturi f’diversi oqsma komparabbli tas-suq. Madankollu, in-natura differenti tas-swieq nazzjonali fil-qafas tas-suq intern ma nbidlitx, b’mod speċjali fl-Istati Membri l-ġodda, fejn hemm suq tal-karozzi użati u tas-sewwejja indipendenti iktar żviluppat.

5.12   Qed ikomplu jinħolqu ostakoli għall-kompetizzjoni, bi żvantaġġi ċari għall-konsumaturi, fil-qasam tal-aċċess għall-ispare parts u l-informazzjoni teknika mis-sewwejja indipendenti. L-iffalsifikar u l-frodi tal-ispare parts għadhom sors ta' tħassib fis-settur, minħabba l-kwalità baxxa f’ċerti każijiet u l-periklu li dawn il-partijiet jirrappreżentaw f’termini ta' sigurtà fit-toroq.

5.13   Il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-qafas legali l-ġdid tal-kompetizzjoni applikabbli għas-settur tal-vetturi bil-mutur huma kompatibbli ma' dan l-approċċ u ma' din il-politika ta' infurzar. Għaldaqstant il-KESE jfakkar fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu, li fihom huwa appoġġja l-ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward tal-azzjonijiet kollettivi b’mod ġenerali, u b’mod partikolari fil-kuntest tal-ksur ta' regoli tal-kompetizzjoni.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1   Il-KESE jqis li l-għażla tal-Kummissjoni li tipproponi regolament u linji gwida speċifiċi hija għażla bbilanċjata, billi tqis ir-riperkussjonijiet ekonomiċi potenzjali, l-impatt fuq l-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs mejdu li jirrappreżentaw parti kbira tas-suq tat-tiswija, il-manutenzjoni u d-distribuzzjoni tal-ispare parts, kif ukoll l-impatt ambjentali u soċjali possibbli u l-implikazzjonijiet għas-sigurtà fit-toroq.

Il-KESE jixtieq jenfasizza l-aspetti tal-proposta li ġejjin:

6.2   Skema speċjali għas-settur tal-vetturi bil-mutur bħala suppliment għall-BER ġenerali (ir-Regolament Ġenerali dwar l-Eżenzjoni ta' Kategorija) – Il-KESE jinnota li l-Linji Gwida Supplimentari proposti mill-Kummissjoni għas-settur tal-vetturi bil-mutur għandhom jinqraw flimkien mal-Linji Gwida Vertikali (ara punt I.1(1) tal-Linji Gwida) u bħala suppliment tagħhom. Il-fatt li dawn għadhom ma ġewx ippreżentati jista’ jxekkel il-valutazzjoni indipendenti u individwali tagħhom.

6.3   Id-dħul fis-seħħ tal-iskema l-ġdida – l-Abbozz ta' Regolament jipprovdi żewġ arranġamenti għad-dħul fis-seħħ, skont is-suq ikkonċernat. L-ewwel arranġament jinvolvi d-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2010 tal-iskema għas-suq tal-ispare parts, it-tiswija u l-manutenzjoni. It-tieni wieħed jinvolvi l-estensjoni tar-Regolament 1400/2002 sal-31 ta' Mejju 2013 għall-bejgħ u l-bejgħ mill-ġdid tal-vetturi l-ġodda.

6.3.1   Għalkemm il-KESE jirrikonoxxi l-fatt li l-kompetizzjoni bħalissa hija iktar baxxa fl-ewwel suq u li għandha tiġi stimolata, l-eżistenza ta' żewġ skemi separati tista’ twassal għal ċerti problemi billi l-kuntratti bejn il-bejjiegħa u d-distributuri ħafna drabi jkun fihom iż-żewġ elementi.

6.3.2   Filwaqt li jiddefendi l-interessi tal-konsumaturi fil-kuntest tal-iżviluppi mgħaġġla tas-settur tal-kompetizzjoni fis-suq tal-ispare parts/it-tiswija/il-manutenzjoni, il-KESE jaċċetta l-fatt li tista’ tiġi applikata regola ta' tranżizzjoni sabiex jiġu evitati ostakoli addizzjonali fir-rigward tan-negozjar mill-ġdid tal-kuntratti bejn id-distributuri u l-bejjiegħa fid-dawl tar-regoli l-ġodda.

6.3.3   Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ il-BER il-ġdid għall-vetturi bil-mutur fit-totalità tiegħu mill-1 ta' Ġunju 2010, filwaqt li tagħti perijodu ta' sentejn f’żewġ fażiijiet għas-suq primarju sabiex tadatta l-ftehimiet ta' distribuzzjoni eżistenti skont ir-regoli l-ġodda.

6.3.4   Ta’ min jiftakar li l-manifatturi jistgħu jtemmu l-ftehimiet permezz ta' perijodu ta' notifika ta' sentejn. Dan ifisser li l-bejjiegħa li jkunu għamlu ċerti għażliet u investimenti korrispondenti fuq il-bażi tal-BER attwali jkollhom jistennew sa Ġunju 2013 qabel ma jkunu jistgħu jiffirmaw ftehim ta' distribuzzjoni ġdid, ħlief jekk jingħata l-permess lill-manifatturi u l-bejjiegħa li jimmodifikaw il-kuntratti tagħhom qabel jekk jemmnu li dan huwa neċessarju fid-dawl tar-regoli l-ġodda u l-bidliet possibbli fil-kondizzjonijiet tas-suq.

6.3.5   L-applikazzjoni tal-BER il-ġdid għas-suq primarju mill-1 ta' Ġunju 2010 jista’ jkollha l-vantaġġ addizzjonali li tikkoinċidi mad-dħul fis-seħħ tal-BER il-ġdid u l-linji gwida dwar is-suq ta' wara l-bejgħ.

6.3.6   Jekk wieħed iqis li l-biċċa l-kbira tal-bejjiegħa huma wkoll involuti fis-servizz ta' wara l-bejgħ, wieħed jifhem faċilment għaliex il-KESE huwa favur l-applikazzjoni tal-BER il-ġdid għas-swieq primarju u sekondarju fl-istess ħin. Din l-għażla ser tassigura semplifikazzjoni u flessibbiltà kif ukoll spejjeż ta' tranżizzjoni iktar baxxi.

6.4   Il-marka unika

Skont il-Linji Gwida (punt 25 u nota 9 f’qiegħ il-paġna), il-manifatturi ma jitħallewx jinkludu obbligi ta' ta' marka unika fil-ftehimiet il-ġodda mal-bejjiegħa tagħhom ladarba l-BER il-ġdid jidħol fis-seħħ. Jekk wieħed iqis li l-biċċa l-kbira tal-manifatturi ser ikomplu bl-istess netwerk ta' distribuzzjoni fis-snin li ġejjin, din id-deċiżjoni prattikament tabolixxi l-marka unika. Din ir-restrizzjoni mhux biss tmur kontra l-proposta tal-KESE (ara punt 1 hawn fuq) iżda hija wkoll kontradizzjoni fir-rigward tal-BER ġenerali l-ġdid (28 ta' Lulju 2009) li ma jipprevedi l-ebda limiti għall-ftehim tal-marka unika.

6.5   Vetturi tal-konsumatur u vetturi kummerċjali

Bħalma huwa l-każ tar-Regolament attwali, il-Kummissjoni qiegħda tpoġġi l-karozzi u l-vetturi kummerċjali fuq l-istess livell, anke jekk dawn tal-ewwel huma prodotti tal-konsumatur u l-oħrajn prodotti kapitali ġġestiti f’ambjent business-to-business, fejn il-klijent jixtri mhux biss il-vettura iżda pakkett li fih is-servizz huwa aspett fundamentali tal-għażla għall-massimizzazzjoni tal-użu tal-vettura kummerċjali, bl-istess mod bħat-tratturi agrikoli u t-tagħmir tal-kostruzzjoni. Differenza bħal din fis-suq timplika li anke l-aspetti ta' kompetizzjoni mhumiex l-istess għaż-żewġ tipi ta' prodott.

6.5.1   Fil-fatt, is-settur tal-vetturi kummerċjali, kemm fis-suq primarju kif ukoll f’dak sekondarju, ma ħabbatx wiċċu ma' problemi ta' kompetizzjoni u ma kienx soġġett għal kritika mill-utenti finali. Dan huwa suq kompetittiv ħafna b’sehem mis-suq storikament kbir għall-fornituri indipendenti.

6.5.2   Għalhekk il-KESE jemmen li l-ftehimiet dwar il-vetturi kummerċjali għandhom ikunu rregolati mill-BER ġenerali, inkluż fir-rigward tas-suq ta' wara l-bejgħ, hekk kif inhu l-każ għat-tratturi u t-tagħmir tal-kostruzzjoni.

6.6   Il-provvista tal-ispare parts

6.6.1   Skont l-Artikolu 5(b) tal-Abbozz ta' Regolament “l-eżenzjoni (…) m’għandhiex tapplika għal (…) ir-restrizzjoni, miftiehma bejn fornitur ta' partijiet tal-bdil, għodda tat-tiswija jew tagħmir dijanjostiku jew ieħor u manifattur ta' vettura bil-mutur, tal-kapaċità tal-fornitur li jbigħ dawn l-oġġetti jew servizzi lil distributuri awtorizzati jew indipendenti jew lil garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati jew indipendenti jew lill-utenti aħħarin”.

6.6.2   Il-mod kif inhi miktuba din ir-restrizzjoni ma jidhirx li huwa konformi mal-objettiv tal-Kummissjoni.

6.6.3   Il-klawsola dwar ix-xiri tal-ispare parts fil-BER attwali fil-prattika ma tħallix lill-manifatturi jġiegħlu lix-xerrejja jixtru iktar minn 30 % tal-provvista mingħandhom. B’riżultat ta' dan, id-diversifikazzjoni tal-provvista lin-netwerks tbaxxi l-prezzijiet. Għalkemm il-manifatturi għad għandhom sehem ta' iktar minn 30 % tal-provvisti, dan jista’ jiġi spjegat permezz ta' objettivi, bonus u skemi ta' tnaqqis amministrati mill-manifatturi. Din is-sitwazzjoni turi l-pressjoni kompetittiva li l-produtturi tal-ispare parts ipoġġu fuq il-manifatturi tal-vetturi.

6.6.4   Madankollu, fl-Artikolu 5(b) propost ma jissemmiex persentaġġ li lil hinn minnu d-distributuri jew is-sewwejja ma jkunux obbligati li jfittxu li jiġu forniti mill-manifattur (bħalma huwa l-każ attwali bil-klawsola tat-30 %).

6.6.5   Barra minn hekk, il-produtturi tal-ispare parts għandhom ikunu jistgħu jfornixxu lis-sewwejja awtorizzati. Madankollu, din il-possibbiltà ser tibqa’ purament teoretika jekk il-manifaturri jkunu jistgħu jimponu obbligazzjonijiet esklużivi jew kważi esklużivi ta' provvista min-netwerks tal-ispare parts tagħhom.

6.7   Garanziji

Fl-aħħar, il-KESE jenfasizza l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-garanziji tal-vetturi bil-mutur. Fid-dawl tar-resposabbiltà diretta tal-manifattur għall-funzjonament tajjeb u t-tiswija tad-difetti, il-Kummissjoni tistqarr li l-obbligu għas-sewwejja li jagħmlu użu esklużiv mill-ispare parts pprovduti mill-manifattur waqt il-perijodu tal-garanzija legali jikkostitwixxi eżenzjoni. Il-KESE jqis li din hija pożizzjoni aċċettabbli, iżda m’għandhiex twassal għal sitwazzjoni fejn il-kosumaturi ma jkunux jistgħu jmorru għand sewwejja indipendenti għal aspetti relatati mal-manutenzjoni regolari tal-vetturi, billi dan jirrappreżenta restrizzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur għall-prodotti ta' kwalità għolja u l-garanziji korrispondenti.

Brussell, 18 ta’ Marzu 2010

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 47; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 20.

(2)  ĠU L 203, 1.8.2002, p. 30.

(3)  ĠU L 336, 29.12.1999, p. 21.

(4)  ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.

(5)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 62.

(6)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE ĠU C 388, 31.12.1994, p. 9 u ĠU C 286 de 17.11.2005, p. 8.

(7)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 29-36.

(8)  ĠU C 66, 22.3.2007, p. 18.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/80


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f’dinja li qed tinbidel”

COM(2009) 442 finali

2010/C 354/19

Relatur: is-Sur MALOSSE

Nhar it-2 ta' Settembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Ir-reviżjoni tal-politika Komunitarja dwar l-innovazzjoni f’dinja li qed tinbidel

COM(2009) 442 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta' Marzu 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta' Marzu (seduta tas-17 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’108 voti favur, vot 1 kontra u 2 astensjonijiet.

1.   X’inhi l-innovazzjoni?

1.1   Skont id-definizzjoni kkwotata fil-Komunikazzjoni: “L-innovazzjoni hija l-kapaċità li wieħed jieħu l-ideat ġodda u jittrasformahom f’riżultati kummerċjali permezz ta' proċessi, prodotti jew servizzi ġodda b’tali mod li dawn ikunu aqwa u aktar effiċjenti minn dawk tal-kompetituri (1)”.

1.1.1   L-innovazzjoni hija pjuttost azzjoni milli kapaċità, fid-dawl tal-fatt li huwa proċess li jagħmilha possibbli li l-ideat ġodda jew dawk eżistenti jitbiddlu f’riżultati.

1.1.2   L-innovazzjoni hija sikwit il-frott ta' ħidma kollettiva (assoċjazzjoni tal-intrapriżi, imsieħba soċjali, riċerkaturi, eċċ.); hija tapplika wkoll għall-funzjonament intern tal-intrapriża, b’mod partikolari permezz tal-ideat tal-impjegati. Fil-konfront tal-kompetizzjoni globali, l-intrapriżi Ewropej għandhom jiżviluppaw proċeduri aħjar biex jinvolvu lill-impjegati fir-riżultati tal-intrapriża u jħeġġu l-kreattività tagħhom.

1.1.3   L-innovazzjoni tista’ tinvolvi wkoll oqsma li m’għandhomx impatt dirett fuq is-suq, bħall-iżvilupp uman, is-saħħa, l-innovazzjoni soċjali u ambjentali, is-servizzi ta' interess ġenerali, iċ-ċittadinanza u l-għajnuna għall-iżvilupp.

1.2   Fil-fatt, l-innovazzjoni hija pjuttost għan tas-soċjetà inġenerali, li tagħmel l-aħjar użu mill-kreattività tal-bniedem biex tippromovi żvilupp ekonomiku sostenibbli u aktar armonjuż.

1.2.1   L-innovazzjoni għandha ssib soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà tagħna ta' dan is-seklu: il-provvista tal-enerġija sostenibbli u l-protezzjoni tal-klima, l-iżvilupp demografiku, il-globalizzazzjoni, il-miżuri meħuda bil-għan li r-reġjuni tal-UE jkunu attraenti, il-ħolqien tal-impjiegi, il-koeżjoni u l-ġustizzja soċjali.

1.3   L-innovazzjoni mhijiex il-mira aħħarija; din tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tas-soċjetà – li fil-qosor nistgħu nirreferu għalihom bħala “progress” u “sostenibbiltà” – madanakollu rridu naqblu dwar kif għandhom jiġu definiti u mkejla dawn iż-żewġ kunċetti.

Il-KESE jemmen li tkun idea tajba li l-Unjoni tkun pijuniera f’dan il-qasam billi tiddefinixxi u tuża indikaturi ġodda fil-qasam ekonomiku u u dak tas-soċjetà li jistgħu jkejlu t-tkabbir u kif dan jiżvolġi fil-milja taż-żmien (2).

2.   X’wettqet l-Unjoni Ewropea?

Il-Komunikazzjoni naturalment tpinġi kwadru sabiħ ħafna tal-azzjonijiet meħuda mill-Unjoni rigward it-titjib tal-kundizzjonijiet qafas, l-appoġġ mogħti bil-għan li l-prodotti u s-servizzi innovattivi fis-suq jiġu adottati b’mod aktar wiesa’, il-ħolqien ta' sinerġiji u l-aspett finanzjarju. Għandu jiġi enfasizzat li l-analiżi tagħha tissejjes l-aktar fuq l-innovazzjonijiet teknoloġiċi.

L-użu tat-terminu “politika Komunitarja” meta nkunu qed nirreferu għall-innovazzjoni huwa kemxejn pompuż peress li, kif tixhed sewwa l-analiżi mressqa f’din il-Komunikazzjoni, hawnhekk aktar qed nitħaddtu dwar firxa ta' miżuri u azzjonijiet li qed jiġu kkoordinati Fil-fatt, l-UE m’għandha l-ebda kompetenza legali f’dan il-qasam (kompetenza ta' appoġġ).

2.1   It-titjib tal-kundizzjonijiet qafas

2.1.1   Ċerti miżuri meħuda mill-UE, bħar-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat li jħeġġu l-investimenti ekoloġiċi u l-investiment fir-R&Ż jew il-fużjoni tal-Euro Info Centres u l-Innovation Relay Centres (ċentri li jaħdmu bi sħab fil-qasam tal-innovazzjoni) fil-kuntest tal-Enterprise Europe Netwerk, kellhom impatt pożittiv ġenwin. It-tnedija tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar qanqlet ħafna stennijiet li sal-lum il-ġurnata għadhom ma wasslux għal biżżejjed kisbiet konkreti u viżibbli għall-SMEs (3). Nistgħu nsemmu wkoll il-Komunikazzjoni “Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda” li hija pass ’il quddiem fit-triq it-tajba, iżda sa issa kienet biss komunikazzjoni bl-ebda mezz li tiġi implimentata.

2.1.2   Għall-kuntrarju, in-nuqqas ta' deċiżjoni dwar il-brevett Komunitarju huwa rikonoxximent espliċitu ta' kemm il-Kunsill Ewropew huwa inkapaċi li jadotta l-miżuri meħtieġa li jkollhom effett dirett fuq l-innovazzjoni, kif jagħti xhieda t-tnaqqis kontinwu tal-brevetti rreġistrati fl-Ewropa meta mqabbla mal-bqija tad-dinja, iżda wkoll l-ispejjeż konsiderevolment ogħla għall-Ewropej. Minħabba f’hekk, l-UE ma tipprovdix biżżejjed protezzjoni u dan jolqot ħażin lill-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs.

2.1.3   Il-politiki u l-istrumenti proposti mill-Kummissjoni Ewropea s’issa kienu qed jiffukaw prinċipalment fuq il-fażijiet inizjali meħtieġa tal-innovazzjoni u fuq il-korpi pubbliċi u privati kbar tar-riċerka. Dan l-approċċ għandu jiġi kkumplementat permezz ta' miżuri u strumenti addizzjonali, pereżempju proċessi għat-tfassil tar-regoli li jiffukaw aktar u b’mod sistematiku fuq il-proċess innovattiv.

2.1.4   B’mod ġenerali, l-amministrazzjonijiet – partikolarment fil-livell lokali – jistgħu jkunu sors ta' innovazzjoni, fl-oqsma kollha.

2.1.4.1   Rigward l-akkwisti pubbliċi, bosta u bosta drabi, il-kuntratturi jagħtu preferenza lill-offerti l-aktar baxxi, bi ħsara għall-kwalità tal-offerti. L-innovazzjoni tista’ titħeġġeġ billi l-akkwisti pubbliċi jiġu diretti lejn l-innovazzjoni u b’hekk tittejjeb il-kwalità tas-servizzi liċ-ċittadini (4).

2.2   Implimentazzjoni tal-politiki tal-innovazzjoni

2.2.1   Il-Komunikazzjoni tenfasizza ż-żieda fil-possibbiltajiet għall-finanzjament mill-baġit Ewropew fil-qafas tal-perspettivi finanzjarji għall-2007–2013.

2.2.1.1   Iżda għal dawk li jobogħdu d-dewmien u l-kumplessità tal-proċeduri, din iż-żieda diffiċilment tidher, b’mod partikolari rigward is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku. Dan jista’ jingħad ukoll għall-Fondi Strutturali Ewropej: il-piż burokratiku, in-nuqqas ta' viżibbiltà dovuta għall-fatt li l-għajnuna titqassam f’ammonti żgħar ħafna u r-regola tal-addizzjonalità ma jħalluhomx ikunu xpruni ġenwini għall-innovazzjoni.

2.2.1.2   Ir-reviżjoni li jmiss tar-regolament finanzjarju għandha tipprovdi l-opportunità biex ir-regoli fil-qasam tal-parteċipazzjoni, l-eliġibbiltà u r-rappurtar jiġu ssemplifikati, ikkonċentrati u jservu ta' mudell.

2.2.2   Dan jista’ jingħad ukoll għall-istrumenti finanzjarji użati mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li ġeneralment jaġixxi permezz tal-intermedjarji li japplikaw il-kundizzjonijiet tagħhom stess. Il-BEI u l-Kummissjoni ħabirku bil-bosta biex iħeġġu l-finanzjament għal SMEs innovattivi iżda l-effetti ma jidhrux. Is-suq Ewropew tal-finanzjament għadu frammentat fl-Ewropa u ftit li xejn jiffavorixxi l-SMEs innovattivi mhux teknoloġiċi. Fil-livell nazzjonali, hemm bżonn li s-settur bankarju jitħeġġeġ jieħu aktar riskji fil-finanzjament tal-SMEs.

2.2.3   Il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-innovazzjoni – li għadu kemm twaqqaf – kellu l-għan li jiġbor flimkien il-miżuri u l-programmi eżistenti iżda li kienu mxerrdin. Fil-fatt, l-attivitajiet għadhom imqassmin f’sottoprogrammi u ma hemm l-ebda garanzija li huma koerenti. Barra minn hekk, il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni ngħata baġit ta' EUR 3,6 biljun fuq seba’ snin, li huwa ftit li xejn meta wieħed iqis dan x’isarraf għall-Unjoni Ewropea

2.2.4   Il-programmi Ewropej qed isibuha diffiċli jilħqu l-għanijiet tagħhom stess, l-aktar mil-lat tal-parteċipazzjoni tas-settur privat, u tal-SMEs b’mod partikolari. Il-fondi disponibbli jiġu allokati bħala prijorità lill-istituzzjonijiet pubbliċi, bi ħsara għas-settur privat. Fil-fehma tal-KESE, il-ġestjoni sodisfaċenti tal-fondi pubbliċi iddedikati għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-impatt reali ta' dan l-investiment fuq l-ekonomija Ewropea huma kwistjonijiet serji.

2.2.5   Il-koordinazzjoni bejn il-programmi Komunitarji u dawk nazzjonali mhijiex effikaċi. Pereżempju, ma jeżisti l-ebda programm komuni għall-Istati Membri u l-UE li jagħmilha possibbli li tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni rigward l-addizzjonalità u l-komplementarjetà.

2.3   Ħolqien ta' sinerġiji

2.3.1   Il-Programmi Nazzjonali ta' Riforma li ġew stabbiliti fil-qafas tal-Istrateġija ta' Lisbona jipprovdu qafas ta' referenza għall-Istati Membri fil-qasam tal-innovazzjoni. Madankollu, il-varjetà konsiderevoli tal-approċċi u l-parteċipazzjoni fqira tal-imsieħba soċjali u atturi oħra mis-soċjetà ċivili fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tagħhom inaqqsu l-impatt u l-effettività ta' din l-istrateġija.

2.3.2   “Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka” twaqqfet biex tħeġġeġ il-koerenza fi ħdan is-sistema u s-sinerġiji mal-Istati Membri. Fil-fehma tal-KESE, dan l-aspett jistħoqqlu verament isir prijorità fil-ġejjieni, u għandu jkun hemm impenn ferm akbar.

2.3.2.1   Pereżempju, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), fl-għamla attwali tiegħu ma jistax jaqdi r-rwol oriġinali tiegħu li jqanqal id-djalogu bejn is-settur tar-riċerka, l-intrapriżi u l-qasam tal-edukazzjoni Fid-dawl tar-riżorsi finanzjarji relattivament baxxi tiegħu (EUR 2,8 biljun għall-perijodu 2008 sal-2013 (5), l-EIT għadu strument virtwali li ftit li xejn huwa aċċessibbli għall-intrapriżi li mhumiex midħla tal-programmi Ewropej.

2.3.3   Skont l-aħħar tabella dwar l-innovazzjoni (6), il-pajjiżi li qegħdin quddiem nett f’dan il-qasam fl-Ewropa lkoll kemm huma għandhom dawn l-elementi komuni: infiq sostanzjali fl-edukazzjoni, tagħlim tul il-ħajja, infiq sostanzjali fil-qasam tar-R&Ż u fl-istrumenti li jappoġġjaw l-innovazzjoni. Nistgħu nżidu wkoll prattika tajba rigward id-djalogu soċjali u ċivili.

Għad irridu nfittxu sinerġiji aħjar b’mod li dawn il-prattiki tajbin jinfirxu fl-Ewropa kollha u nkunu nistgħu nħeġġu b’mod aktar miftuħ il-konverġenza bejn l-UE u l-Istati Membri dwar deċiżjonijiet politiċi komuni u kkoordinati favur dawn il-fatturi li huma l-aktar importanti għas-suċċess.

2.3.4   Din is-sinerġija għandha tiġi estiża wkoll għall-atturi tas-soċjetà ċivili u l-isħubijiet pubbliċi/privati.

Pereżempju, attwalment, il-“clusters” (gruppi ta' intrapriżi) jagħmluha possibbli li l-universitajiet u l-istituti tar-riċerka jaħdmu bi sħab b’mod effikaċi mal-intrapriżi, fi ħdan strutturi li jirċievu investiment mis-settur pubbliku u dak privat. Din l-esperjenza tal-“clusters” hija waħda pożittiva fil-livell nazzjonali, iżda fin-nuqqas ta' politika ta' appoġġ Komunitarju, l-UE ma tistax tgawdi mill-benefiċċji tagħhom. L-UE għandha tieħu l-inizjattivi bil-għan li tiżviluppa l-clusters fl-Ewropa, li tagħmilhom internazzjonali u tiggvernahom b’mod aktar professjonali u b’hekk tagħmel l-aħjar użu mit-tħaddim u l-finanzjament tagħhom.

2.3.5   Is-sinerġiji bejn il-prijoritajiet stabbiliti mid-diversi programmi Ewropej li jappoġġjaw l-innovazzjoni għandhom jiġu inkoraġġiti mil-lat tal-isfidi għas-soċjetà. Fil-fatt, il-programmi Komunitarji differenti jħaddnu l-istess prijoritajiet, iżda ma jkunx hemm rabta bejniethom.

3.   Rakkomandazzjonijiet tal-KESE

Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta' strateġija Ewropea ambizzjuża fil-qasam tal-innovazzjoni li tipproponi viżjoni aktar wiesgħa u aktar integrata.

3.1   Prinċipji fundamentali

L-innovazzjoni għandha tinftiehem fis-sens wiesa’ tal-kelma, kemm rigward il-prodotti u s-servizzi mqiegħda fis-suq kif ukoll rigward is-settur mhux kummerċjali u l-oqsma ta' natura soċjali jew marbuta mas-soċjetà.

It-Trattat ta' Lisbona jwessa’ l-ambitu ta' azzjoni tal-politiki Komunitarji fl-oqsma li jiffavorixxu l-innovazzjoni: il-politika kummerċjali, l-enerġija, l-ispazju, it-turiżmu, il-kultura, is-saħħa, eċċ.

Essenzjalment, l-innovazzjoni hija interdixxiplinari u trasversali, u l-istrateġija u l-mezzi li jintużaw biex tiġi implimentata għandhom ikunu interdixxiplinari wkoll.

L-innovazzjoni trid tirrispetta l-prinċipji u l-valuri tal-Unjoni. Fil-fatt, ċerti innovazzjonijiet jistgħu jkunu “tajbin” mil-lat teknoloġiku iżda jkollhom konsegwenzi mhux mixtieqa fuq l-ambjent jew fuq il-koeżjoni fi ħdan is-soċjetà.

Hemm bżonn li ċ-ċittadini jiffamiljarizzaw ruħhom mat-teknoloġiji ġodda billi jiġu inklużi fid-dibattitu pubbliku (l-organiżmi modifikati ġenetikament, l-enerġija nukleari, eċċ.).

L-iżvilupp tat-teknoloġiji ewlenin (7) (in-nanoteknoloġiji, il-mikro u n-nanoelettronika, il-fotonika, il-materjali avvanzati, il-bijoteknoloġiji, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u x-xjenza tas-simulazzjoni) għandu jiġi appoġġjat b’mod immirat filwaqt li titqies in-natura interdixxiplinari tiegħu. Iżda, hemm bżonn li l-programmi Ewropej tar-riċerka jkollhom dimensjoni għall-promozzjoni tal-approċċ interdixxiplinari u li l-applikazzjonijiet tat-teknoloġiji ewlenin ikunu jistgħu jintużaw fis-setturi tradizzjonali.

Il-prijoritajiet għandhom jiġu definiti b’rabta mal-għanijiet soċjali tal-UE (is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija, eċċ.)

L-istrateġija Ewropea tal-innovazzjoni għandha tkun ibbażata fuq is-sinerġiji u l-isħubijiet mal-atturi tas-settur privat u tas-soċjetà ċivili.

L-SMEs għandhom ikunu fil-qalba tal-pjan Ewropew tal-ġejjieni favur l-innovazzjoni. Il-miżuri qafas, il-programmi u d-dispożizzjonijiet kollha li jippromovu l-innovazzjoni fl-SMEs għandhom jiġu inkoraġġiti.

3.2   Proposti

3.2.1   Bħala parti mill-ħidma tal-grupp ta' studju tiegħu, il-KESE organizza seduta pubblika fl-Istitut tal-Istudju tal-Prospettivi Teknoloġiċi, f’Sevilja fl-14 ta' Jannar 2009. Minn din is-seduta, li laqqgħet fi ħdanha r-rappreżentanti tal-Istitut u l-partijiet interessati lokali li jappoġġjaw l-innovazzjoni, ħarġu għadd ta' proposti konkreti.

3.2.2   Il-bażi ta' kull politika hija l-ħtieġa ta' indikaturi tajbin u strumenti ta' analiżi tajbin. Attwalment, l-UE għandha diversi strumenti ta' analiżi: “European innovation score board”, “Inno policy trendchart”, “European Clusters observatory”, “Innobaromètre”, “Sectoral Innovation watch” u “EU Industrial R&D Investments Scoreboard”. F’ġieħ il-koerenza, il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta “Osservatorju Ewropew tal-Innovazzjoni” uniku, li jkun jiġbor fih l-istrumenti eżistenti kollha, iżda jagħmilhom aktar koerenti u viżibbli. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tkun utli biss jekk ir-riżultati jiġu pparagunati mal-għanijiet; il-pjan Ewropew tal-ġejjieni għandu jkollu għanijiet ċari b’indikaturi kwantitattivi. Dan l-osservatorju għandu jaħdem b’mod trasparenti u indipendenti permezz ta' objettivi u indikaturi ċari, bil-għan li l-politiki jiġu evalwati b’mod oġġettiv.

3.2.3   Ir-riċerka bażika toħloq il-kundizzjonijiet li huma indispensabbli għall-innovazzjonijiet futuri. Għalhekk il-KESE jappoġġja żieda sostanzjali fil-baġits Ewropej għar-riċerka relatata ma' dan, b’mod partikolari għall-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-UE li jmiss, bil-kundizzjoni li l-prijoritajiet tiegħu jiġu mmirati (skont l-isfidi li qed tiffaċċja s-soċjetà), u bil-kundizzjoni li joħloq effett ta' xprun mal-programmi nazzjonali u s-settur privat.

3.2.3.1   Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu eżaminati strateġiji ġodda bil-għan li jħeġġu l-SMEs jipparteċipaw fil-programmi Komunitarji, bħall-kunċett tas-sħubija responsabbli. Dan jinvolvi, fuq il-bażi ta' karta komuni, is-semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi (verifiki, rappurtar).

3.2.4   L-iżvilupp ta' sħubijiet bejn l-istabbilimenti edukattivi u tar-riċerka, b’mod partikolari l-universitajiet, u l-atturi ekonomiċi u soċjali, huwa wkoll mod tajjeb kif tinħoloq sinerġija pożittiva favur l-innovazzjoni fl-intrapriżi, iżda wkoll fil-qasam edukattiv (8).

3.2.4.1   L-EIT għandu jagħmilha ta' “kap” tan-netwerk tal-istrutturi eżistenti bil-għan li jitħeġġeġ it-tixrid ta' teknoloġiji ġodda lejn is-setturi kollha. Eventwalment, l-EIT għandu jkun jista’ jiffinanzja l-investiment ta' infrastrutturi fuq skala Ewropea, li jlaqqa’ fi ħdanu l-politiki tar-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni.

3.2.4.2   Barra minn hekk, il-programmi li jagħmluha aktar faċli għar-riċerkaturi li jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri u wkoll bejn is-settur privat u dak pubbliku għandhom jiġu inkoraġġiti; id-dottorat industrijali Daniż, li jagħmilha possibbli li l-inġiniera impjegati f’kumpanija jkunu jistgħu jistudjaw għal dottorat universitarju, b’mod partikolari billi jagħmlu l-kors fi Stat Membru ieħor (9), huwa eżempju ta' prattika tajba li jistħoqqilha tiġi ttestjata fil-livell Ewropew.

3.2.5   Fil-fehma tal-KESE, l-istrumenti maħsuba biex l-attivitajiet marbuta mal-appoġġ għall-innovazzjoni ma jibqgħux jitqassmu f’kompartimenti bejn l-UE u l-Istati Membri għandhom isiru l-elementi prinċipali tal-programm li jmiss. F’dan ir-rigward, hemm bżonn li n-netwerks lokali li jservu ta' pont bejn il-livell Ewropew u dak lokali jissaħħu permezz ta' skambju tal-ideat u l-proġetti. Il-KESE jirrakkomanda li jinħolqu pjattaformi ta' sħubijiet Ewropej li jkunu miftuħa għall-atturi tas-soċjetà ċivili. L-“Enterprise Europe Network”, li huwa l-operatur fil-livell lokali għall-intrapriżi, jista’ jservi ta' bażi għal din il-pjattaforma.

3.2.6   Huwa importanti ħafna li jsir titjib fil-finanzjament, b’mod partikolari għall-iżvilupp tal-SMEs innovattivi u l-istart-ups. Ir-rwol tal-BEI għandu jissaħħaħ, b’mod partikolari billi jitwessa’ l-mekkaniżmu tal-finanzjament permezz tal-qsim tar-riskji, u hemm bżonn li jiġi stabbilit suq Ewropew tal-kapital riskjuż.

3.2.6.1   Il-KESE jirrakkomanda wkoll miżuri speċifiċi fil-qafas tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar (Small Business Act – SBAE) bħall-promozzjoni tat-“tieni suq tal-ishma” fl-Ewropa u inċentivi fiskali għal dawk l-individwi li jinvestu fl-innovazzjoni, kif ukoll li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-impjegati.

3.2.7   Ġie nnutat li f’ħafna pajjiżi, iż-żgħażagħ qed jitilfu l-ħajra għall-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Il-kreattività u s-sens ta' inizjattiva għandhom jiġu inkoraġġiti fil-kurrikuli tal-iskejjel.

3.2.7.1   Fid-dawl tal-esperjenza tal-ambaxxaturi tal-intraprenditorjat tan-nisa, il-KESE jissuġġerixxi li jitwaqqaf netwerk tal-ambaxxaturi tal-intraprendituri żgħażagħ, li jkollu l-appoġġ tal-istituzzjonijiet Ewropej.

3.2.8   Jinħtieġ li l-Fondi Strutturali jintużaw aħjar jekk nixtiequ ninkoraġġixxu l-innovazzjoni f’dawk il-pajjiżi involuti fil-politika ta' koeżjoni. Dan jinvolvi b’mod partikolari azzjonijiet immirati aħjar, u li jiġi evitat il-prinċipju obbligatorju tal-addizzjonalità li joħloq dewmien u nuqqas ta' trasparenza. Il-KESE jenfasizza l-potenzjal tal-innovazzjoni fil-livell tas-soċjetà permezz tal-atturi tas-soċjetà ċivili, li sal-lum il-ġurnata ġie injorat għalkollox mill-programmi strutturali u edukattivi.

3.2.9   Il-politika tal-kompetittività tal-UE (l-għajnuna tal-istat, il-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi) għandha wkoll tiġi adattata biex tipprovdi appoġġ akbar lill-promozzjoni tal-innovazzjoni u lit-trasferiment tat-teknoloġija. Setturi partikolari, bħall-bini tad-djar jew l-infrastrutturi u l-mezzi tat-trasport, għandhom jingħataw attenzjoni speċjali minħabba r-rwol li jaqdu fit-tibdil tal-klima.

3.2.10   Permezz tat-Trattat ta' Lisbona, l-UE ssaħħaħ il-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-politika kummerċjali u ta' kooperazzjoni esterni. Hemm bżonn li naħtfu din l-opportunità biex insawru politika Ewropea li tiffaċilita l-iskambji xjentifiċi u tekniċi, li tkun ikkoordinata mal-politiki nazzjonali. L-iskambji u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tal-Ewropa għandhom jingħataw attenzjoni partikolari.

4.   Konklużjonijiet

4.1   Is-suċċess ta' din l-istrateġija jiddependi aktar mir-rieda politika ġenwina tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Istati Membri li jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha, il-kwalità tas-sħubijiet, partikolarment mas-soċjeta ċivili, u t-twaqqif ta' djalogu maċ-ċittadini, milli mill-fondi baġitarji allokati. Il-KESE għalhekk jitlob lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni Ewropea jressqu pjan ta' azzjoni favur l-innovazzjoni li huwa suġġett fil-qalba ta' strateġija għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa (UE 2020).

4.2   Il-pjan Ewropew tal-ġejjieni favur l-innovazzjoni għandu jkun akkumpanjat minn pjan ta' azzjoni ġenwin, bi skeda għall-implimentazzjoni u għall-monitoraġġ tal-progress miksub. F’dan ir-rigward, l-għamla legali ta' dan il-pjan (rakkomandazzjonijiet, “att” jew kwalunkwe għamla oħra) taqdi rwol sekondarju. L-effikaċja tiegħu tiddependi mill-kontenut u l-impenji preċiżi, ikkwantifikati u bid-dati tal-implimentazzjoni miġbura fil-pjan.

4.3   L-għan ta' din l-istrateġija għandu jkun it-tħaddim ta' politika “Komunitarja” ġenwina li twitti t-triq għall-irkuprar tal-ekonomija Ewropea.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  “Creating a national innovation Framework” (Noħolqu Qafas Innovattiv Ġdid), Science Progress, Richard Nedis & Ethan Byler, April 2009.

(2)  B’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-kejl tal-prestazzjoni ekonomika u l-progress soċjali (www.stiglitz-sen-fitoussi.fr), dawn l-indikaturi għandhom imorru lil hinn milli sempliċement ikejlu l-PDG u għandhom iqisu l-kejl ta' miżuri kumplessi u ddivrenzjati tad-dħul disponibbli, l-edukazzjoni, l-ambjent u t-tqassim tal-ġid.

(3)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 30.

(4)  Ittieħed l-ewwel pass fil-kuntest tal-inizjattiva tas-suq ewlieni (li tlaqqa’ l-kuntratturi bil-għan li tinkoraġġixxi l-għoti tal-kuntratti marbuta mal-akkwisti pubbliċi lill-intrapriżi innovattivi), iżda r-riżultati għandhom jiġu eżaminati bir-reqqa (peress li l-iskema tnediet f’Settembru 2009).

(5)  Bħala paragun, ta' min jgħid li l-baġit operattiv annwali tal-MIT huwa ta' USD 2,4 biljun.

(6)  European Innovation Scoreboard – Pro Inno Europe.

(7)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta' strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE”, COM(2009) 512 finali.

(8)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 9.

(9)  Iffinanzjat mill-boroż ta' studju Ewropej “Marie Curie”.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/85


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 1998/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq”

COM(2009) 576 finali — 2009/0161 (COD)

2010/C 354/20

Relatur uniku: is-Sur ROBYNS DE SCHNEIDAUER

Nhar il-25 ta' Novembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 1998/26/KE, 2002/87/KE, 2003/6/KE, 2003/41/KE, 2003/71/KE, 2004/39/KE, 2004/109/KE, 2005/60/KE, 2006/48/KE, 2006/49/KE, u 2009/65/KE fir-rigward tas-setgħat tal-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq

COM(2009) 576 finali – 2009/0161 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta' Marzu 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tat-18 ta' Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’115-il vot favur u astensjoni waħda.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jqis li l-kriżi toħloq opportunità urġenti biex tiġi kkonkretizzata riforma sinjifikanti tas-sistema ta' superviżjoni. L-objettivi ta' din ir-riforma għandhom jinkludu l-prevenzjoni, kemm ta' inċidenti iżolati kif ukoll ta' kriżijiet fuq skala akbar, u r-reżistenza għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Għal dan, hemm bżonn ta' bażijiet imfissra fil-livell Komunitarju, u fuq interazzjoni bejn sistema Komunitarja u l-ekwivalenti tagħha f’pajjiżi oħra.

1.2

Il-KESE jikkundanna l-fatt li l-armonizzazzjoni imperfetta tal-kondizzjonijiet ta' aċċess għas-swieq kif ukoll tar-rekwiżiti prudenzjali qed tippermetti arbitraġġi regolatorji u toħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. L-armonizzazzjoni ta' dawn ir-rekwiżiti fuq il-bażi ta' robustezza, il-kontroll tar-riskji tal-aġenti finanzjarji u l-kwalità tal-informazzjoni lill-pubbliku tikkostitwixxi bażi indispensabbli ta' komunità ta' interessi fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea. Flimkien ma' dan kollu għandha tingħata attenzjoni kontinwa lill-kwalifiki tal-kontrolluri b’mod partikolari abbażi ta' kollaborazzjoni reċiproka.

1.3

Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jappoġġja lill-Kummissjoni fil-ħidmiet tagħha biex tipprovdi lill-awtoritajiet superviżorji tas-settur b’poteri li jippermettulhom ifissru standards tekniċi komuni u jsolvu l-kontroversji bejn l-awtoritajiet nazzjonali. Japprova l-progress fir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet ta' kontroll lejn metodu konsenswali ta' soluzzjoni ta' kwalunkwe kontroversja fir-rigward tal-prattika tagħhom fl-oqsma li għalihom hemm previsti proċessi konġunti għat-teħid ta' deċiżjonijiet. Jingħaqad mal-Kummissjoni fix-xewqa li ssir distinzjoni ċara bejn il-kwistjonijiet tekniċi fuq naħa, u dawk li huwa ta' natura politika u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet Komunitarji mogħnija b’mandat politiku, fuq in-naħa l-oħra.

1.4

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tkun ambizzjuża fil-ħidmiet li jidhru fil-programm tagħha biex jitlestew il-modifiki li nbdew, fil-qasam tal-istandards tekniċi applikabbli għas-settur tat-titoli u f’dak tad-direttivi mistennija dwar l-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol.

2.   Kuntest

2.1

Fis-26 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta għal Direttiva, Omnibus I, bil-għan li jiġu modifikati numru ta' direttivi li jittrattaw l-attivitajiet fis-settur tas-servizzi finanzjarji. Dawn id-direttivi jkopru l-ħtiġijiet għall-fondi proprji, il-konglomerati finanzjarji, il-pensjonijiet tax-xogħol, l-abbużi tas-swieq, is-swieq tal-istrumenti finanzjarji, il-prospetti, in-natura definittiva tar-regolament, it-trasparenza, il-ħasil tal-flus u l-fondi ta' investiment.

2.2

L-għanijiet tal-Kummissjoni huma l-protezzjoni tal-pubbliku, l-istabbiltà finanzjarja u t-titjib tas-suq uniku, u s-sistemi ta' superviżjoni nazzjonali, anke jekk huma parzjalment armonizzati, qed jipprevjenu milli jinkisbu dawn l-għanijiet.

2.3

Sabiex jinkisbu dawn l-objettivi hemm bżonn għalhekk li jiġi definit l-iskop tal-kompetenzi previst fir-Regolamenti bil-għan li jitwaqqfu l-awtoritajiet b’riżultat tat-trasformazzjoni tal-kumitati eżistenti ta' superviżjoni Ewropea. Il-proposta ta' Direttiva ta' emenda ser tippermetti li jsir tibdil fit-testi eżisteni bil-għan li tinkiseb l-uniformità mixtieqa.

2.4

Din il-proposta hija konsistenti mal-politika żviluppata mill-Kummissjoni wara li ġew analizzati l-konklużjonijiet tar-rapport tal-grupp ta' esperti ta' livell għoli, ippresedut mis-Sur Jacques de Larosière, biex tiġi stabbilita sistema ta' superviżjoni Ewropea aktar effiċjenti, integrata u sostenibbli. Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Mejju 2009, din is-sistema għandha tikkonsisti f’Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku responsabbli mis-superviżjoni makroekonomika u mill-monitoraġġ tar-riskji li jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja u f’Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji, magħmula minn netwerk ta' superviżuri finanzjarji nazzjonali, li jaħdmu flimkien ma' awtoritajiet superviżorji Ewropej ġodda.

2.5

Dawn l-awtoritajiet għandhom jintagħżlu minn tliet kumitati superviżorji li jokkupaw il-“livell 3” fl-istruttura li rriżultat mill-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet bl-isem tal-professur Lamfalussy, u li jkunu rispettivament responsabbli għall-attivitajiet bankarji, l-assigurazzjonijiet u l-pensjonijiet tax-xogħol, u fl-aħħar is-swieq finanzjarji.

2.6

Biex l-Ewropa tkun attrezzata b’numru ta' regoli finanzjarji aktar armonizzati, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Mejju 2009 intitolata “Superviżjoni finanzjarja Ewropea” (1) għandha l-għan li tippermetti lill-awtoritajiet iħejju abbozzi ta' standards tekniċi u jiffaċilitaw l-iskambju ta' informazzjoni mikroprudenzjali.

2.7

Din il-proposta tkompli mal-Komunikazzjoni fuq tliet oqsma prinċipali: tiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tal-istandards ġenwinament tekniċi (għodod, metodi, statistika, formoli,…) immirati biex jassiguraw konverġenza tas-superviżjoni lejn aktar uniformità, li għandhom jiġu adottati sussegwentement mill-Kummissjoni.

2.8

Tippermetti lill-awtoritajiet biex isolvu l-kontroversji bejn l-awtoritajiet nazzjonali f’sitwazzjonijiet fejn il-kooperazzjoni hija meħtieġa fi spirtu fejn l-interess nazzjonali jittaffa bl-interess komuni, u fejn il-konċiljazzjoni tippreċedi kwalunkwe deċiżjoni vinkolanti.

2.9

Fl-aħħar, tistabbilixxi mezzi adatti għall-iskambju ta' informazzjoni li jwasslu għal prinċipju ta' twemmin komuni mingħajr ostakli legali, b’mod partikulari fir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet Ewropej il-ġodda.

2.10

Barra minn hekk, dawn l-awtoritajiet ser ikunu awtorizzati jittrattaw mal-kontropartijiet tagħhom f’pajjiżi terzi biex jippubblikaw opinjonijiet fuq l-aspetti prudenzjali tal-fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet transkonfinali u jħejju listi Komunitarji ta' atturi finanzjarji approvati.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Din l-opinjoni tal-KESE ssegwi l-linja tal-opinjonijiet adottati wara l-kriżi finanzjarja tal-2007–2008, b’mod partikulari l-Opinjoni dwar ir-Rapport tal-Grupp de Larosière (2) u dwar is-superviżjoni makroprudenzjali u mikroprudenzjali. Minkejja li l-kawżi prinċipali immedjati ta' din il-kriżi jistgħu jiġu attribwiti għan-nuqqasijiet fis-sistema finanzjarja tal-Istati Uniti, din tefgħet dawl ukoll fuq in-nuqqasijiet fis-sistemi superviżorji Ewropej kif ukoll id-differenzi prinċipali bejniethom. Il-Kumitat jiddispjaċih li la l-kriżi u lanqas l-inċidenti preċedenti (b’mod partikulari l-każ Equitable Life) ma kienux biżżejjed biex jitwettqu minn qabel ir-riformi neċessarji.

3.2

Il-problemi esperjenzati mill-klijenti ta' istituzzjonijiet li żviluppaw attivitajiet transkonfinali fil-fatt huma tali li jipperikolaw il-kunfidenza tal-konsumaturi fis-suq uniku.

3.3

L-awtoritajiet il-ġodda jridu jkunu attrezzati bi strutturi għall-konsultazzjoni tal-interessi professjonali kkonċernati, bi trejdjunjins u b’konsumaturi tas-servizzi finanzjarji u sabiex jinżamm djalogu mal-KESE bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili.

3.4

Il-KESE jenfasizza n-natura teknika tat-tliet awtoritajiet ġodda. L-istatut tagħhom ta' korpi awtonomi jrid jibqa’ subordinat għall-kompetenzi politiċi tal-Kummissjoni u, fl-aħħar, tal-Parlament Ewropew.

3.5

Il-KESE josserva li l-istituzzjonijiet finanzjarji li l-attivitajiet tagħhom ikopru diversi Stati Membri jridu jibbenefikaw minn uniformità akbar tal-prattiki ta' superviżjoni. Huwa partikularment konxju mill-fatt li s-sistema proposta minnha nnifisha ma toħloq l-ebda limitu ġdid għall-atturi finanzjarji, li l-ispejjeż tagħhom jgħaddu għand l-utenti, ħlief fil-każijiet fejn l-Istati li bbenefikaw minn arbitraġġ regolatorju u distorsjonijiet fil-kompetizzjoni jridu jarmonizzaw il-prattiki tagħhom.

3.6

Il-KESE japprova l-inklużjoni tal-prinċipju ta' “Regolamentazzjoni aħjar” fl-iskema proposta, permezz ta' konsultazzjonijiet pubbliċi u studji ta' impatt mill-bidu tal-istadju tal-ħolqien tal-miżuri. Bl-istess mod, jilqa’ l-importanza tal-flessibbiltà u tan-neċessità li l-Kummissjoni beħsiebha tippromovi.

3.7

Fir-rigward tan-natura kolleġjali tat-tliet awtoritajiet ġodda, il-Kumitat huwa favur li jkun hemm bilanċ bejn l-awtoritajiet nazzjonali differenti f’każ ta' kontroversji. Skont il-KESE, il-kolleġjalità tkun tfisser li l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw deċiżjonijiet komuni mingħajr ma juru preferenzi għad-daqs tas-swieq jew għall-preżenza ta' operaturi barra l-pajjiż tagħhom ta' oriġini.

Brussell, 18 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2009) 252 finali.

(2)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 57.


28.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 354/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura”

COM (2009) 541 finali — 2009/0153 (CNS)

2010/C 354/21

Relatur: is-Sur SALVATORE

Nhar il-11 ta’ Novembru 2009, il-Kunsill, b’konformità mal-Artikolu 37 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u nhar il-5 ta’ Marzu 2010, il-Parlament Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura

COM(2009) 541 finali – 2009/0153 (CNS).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Frar 2010.

Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta' Marzu 2010 (seduta tas-17 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’130 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel mal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta' speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura, fid-dawl tas-sejbiet ġodda li saru fil-qasam xjentifiku, fosthom ir-riżultati tal-azzjoni kkoordinata li saret fil-qafas tas-Sitt Programm Kwadru IMPASSE.

1.2

Jappoġġja x-xewqa li jintlaħaq l-għan doppju stabbilit: li jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-perikli relatati mat-trobbija tal-ispeċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment, u li titnaqqas il-burokrazija li jiffaċċjaw l-operaturi fis-settur. Din il-burokrazija tikkonsisti fil-permessi nazzjonali meħtieġa għall-faċilitajiet tal-akkwakultura maħsuba għat-trobbija tal-ispeċijiet aljeni u dawk li ma jinstabux lokalment.

1.3

Għal dan il-għan, huwa importanti ħafna li tiġi garantita l-bijosikurezza tal-faċilitajiet. Dan jitlob li jiġu adottati miżuri adegwati: a) matul il-ġarr, b) permezz tal-applikazzjoni ta' protokolli li jkunu definiti biċ-ċar fil-faċilitajiet li jilqgħu l-ispeċijiet u c) billi jiġu rispettati l-proċeduri adegwati sal-istadju li fih il-prodotti tal-ħut isiru disponibbli għall-konsum.

1.4

F’dan il-kuntest, id-definizzjoni l-ġdida tal-“faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura” hija fformulata tajjeb u hija konsistenti mas-sejbiet tal-proġett IMPASSE, għalkemm il-lingwaġġ purament tekniku użat jista’ jwassal għal interpretazzjonijiet li mhux dejjem ikunu korretti. Sabiex tiġi evitata kull ambigwità fil-fażi tal-implijmentazzjoni, għandha tiddaħħal referenza ċara fir-regolament il-ġdid dwar il-fatt li l-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura għandhom jiġu kkunsidrati daqslikieku jinsabu fuq l-art.

1.5

Barra minn hekk, ir-regolament il-ġdid jistabbilixxi li l-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura għandhom jimpedixxu t-tixrid tal-ispeċijiet imrobbija li ma jkunux indiġeni u tal-materjal bijoloġiku fl-ilmijiet miftuħa kkawżati mill-għargħar. Għalhekk, għandha tiġi definita l-hekk imsejħa distanza ta' sikurezza minn dawn il-faċilitajiet sal-ilmijiet miftuħa, fuq il-bażi tat-tipoloġija, il-lokalizzazzjoni u l-istruttura tal-faċilità kkonċernata.

1.6

Bl-istess mod, peress li ġie stabbilit li l-ilma mhuwiex l-uniku mezz li permezz tiegħu l-ispeċijiet jistgħu jaħarbu, għandu jiġi żgurat li jintużaw is-sistemi kollha għall-protezzjoni tal-ispeċijiet imrobbija mill-predaturi li jistgħu jxerrdu l-ispeċijiet.

1.7

Fl-aħħar nett, il-Kumitat jaqbel mal-proposta li ċ-ċaqliq minn faċilità magħluqa tal-akkwakultura għal facilità miftuħa ma jitqisx bħala wieħed ta' rutina. F’dan ir-rigward, jissuġġerixxi li, jekk jippermetti ċ-ċiklu produttiv, il-ġestjoni u l-amministrazzjoni tal-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura jkunu separati minn dawk tal-faċilitajiet miftuħa, bil-għan li jitnaqqas kwalunkwe periklu ta' kontaminazzjoni mill-ekosistemi akkwatiċi.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fid-dawl tad-domanda dejjem tikber għall-proteini mill-prodotti tal-ħut u fid-dawl tal-fatt li s-sajd naqas minħabba li l-ibħra u l-ilmijiet interni qed jiġu sfruttati żżejjed, l-akkwakultura tista’ tipprovdi kontribut pożittiv biex tissodisfa d-domanda għal dan it-tip ta' ikel. Fil-fatt, f’dawn l-aħħar tletin sena, il-produzzjoni tal-akkwakultura żdiedet bi 11 % kull sena (Naylor & Burke, 2005) (1).

2.2

F’dan il-kuntest, l-introduzzjoni u t-trobbija ta' speċijiet aljeni u dawk li ma jinstabux lokalment fl-Ewropa hija appoġġjata bil-qawwa mill-interessi ekonomiċi u kummerċjali li, però, għandhom jikkonformaw mal-għanijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ekosistemi, li jistgħu jkunu esposti għall-periklu jekk dawn l-attivitajiet ma jsirux kif suppost.

2.3

Fil-fatt, l-introduzzjoni tal-ispeċijiet aljeni tikkostitwixxi waħda mill-fatturi prinċipali tal-impatt tal-bniedem fuq is-sistemi akkwatiċi u hija t-tieni kawża, eżatt wara l-qerda tal-ħabitat, tat-telf tal-bijodiversità fil-livell dinji. Fl-ekosistemi kollha hemm bilanċ delikat, li huwa frott proċess ta' evoluzzjoni li ħa ħafna żmien, li bis-saħħa tiegħu kull organiżmu jkollu effett fuq l-ambjent tiegħu, filwaqt li jistabbilixxi sensiela ta' relazzjonijiet mal-ispazju li jokkupa u mal-organiżmi l-oħra preżenti fl-istess ekosistema. F’sitwazzjoni bħal din, kull organiżmu jaqdi rwol preċiż ħafna u jokkupa qasam ekoloġiku definit tajjeb ħafna. Il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima fuq il-migrazzjoni tal-ispeċijiet tal-ħut fid-diversi ambjenti akkwatiċi huma ta' interess ukoll.

2.4

Kull darba li speċi aljena tidħol tagħmel parti minn komunità ġdida, hija jkollha effett fuq l-ispeċijiet tal-komunità l-ġdida u għalhekk tista’ tbiddel – b’mod imprevedibbli – il-bilanċ li jkun intlaħaq qabel il-wasla tagħha. L-abitanti l-ġodda jistgħu jikkaċċjaw l-ispeċijiet indiġeni u jikkompetu magħhom għall-ikel u għat-territorju, jistgħu jġibu magħhom parassiti ġodda u organiżmi patoġeniċi oħra mill-pajjiżi ta' oriġini tagħhom jew jiffurmaw ibridi mal-ispeċijiet lokali.

2.5

Dan kollu jesiġi li jiġu ddefiniti l-karatteristiċi prinċipali tal-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura: l-eżistenza ta' separazzjoni fiżika bejn l-organiżmi li jgħixu fl-ambjent naturali tagħhom u dawk li jitrabbew fil-faċilitajiet imsemmija, it-trattament tal-iskart solidu, ir-rimi – kif suppost – tal-organiżmi mejta u l-monitoraġġ u t-trattament tal-ilma li jidħol u joħroġ.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Jekk is-sistemi ta' monitoraġġ jonqsu, jiżdied il-periklu li l-ispeċijiet aljeni u dawk li ma jinstabux lokalment jaħarbu mill-faċilitajiet tat-trobbija. Is-sistemi magħluqa, li permezz tagħhom l-akkwakultura tkun ristretta għal żona bi strutturi sikuri protetti minn barrieri fiżiċi u kimiċi, inaqqsu l-periklu ta' ħrib, mentri s-sistemi estensivi u miftuħa tat-trobbija jipprovdu l-aktar livell baxx ta' sikurezza b’mod li, xi drabi, anke jekk dan ma jkunx l-iskop, l-ispeċijiet importati jmorru lura fl-ambjenti naturali tagħhom.

3.2

Huwa stmat li madwar 20 % tal-ispeċijiet aljeni jitrabbew f’sistemi miftuħa u inqas minn 10 % jitrabbew f’sistemi intensivi u magħluqa, iżda f’ċerti każi (il-molluski bivalvi), l-annimali ħajjin jittieħdu f’post ieħor għal xi żmien, saħansitra distanzi konsiderevoli ’l bogħod, għall-fażi tal-purifikazzjoni f’faċilitajiet kemm magħluqa kif ukoll miftuħa, u għalhekk il-periklu li jixterrdu jikber ħafna (IMPASSE) (2).

3.3

Is-sistemi eżistenti magħluqa jużaw diversi teknoloġiji għall-purifikazzjoni tal-ilma li jidħol u joħroġ, iżda fil-każi kollha jeżistu arranġamenti separazzjoni fiżika bejn il-ħut imrobbi f’dawn il-faċilitajiet u l-ekosistemi akkwatiċi naturali. Madankollu, l-iżvilupp rapidu ta' dawn it-teknoloġiji relatati mat-trobbija u l-evoluzzjoni tad-diversi sistemi tal-akkwakultura wasslu lill-Kunsill biex jippubblika r-regolament li qed jiġi diskuss f’din l-opinjoni.

3.4

Ir-Regolament (KE) Nru 708/2007 tal-Kunsill stabbilixxa qafas li jirregola l-użu tal-akkwakultura tal-ispeċijiet aljeni u ta' dawk li ma jinstabux lokalment bil-għan li jevalwa u jnaqqas l-impatt potenzjali ta' dawn l-ispeċijiet fuq il-ħabitats akkwatiċi. Ir-regolament jistabbilixxi sistema ta' permessi fil-livell nazzjonali.

3.5

Dawn il-permessi mhumiex meħtieġa f’każ li l-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura jiżguraw il-bijosikurezza tat-trobbija. It-tnaqqis tal-periklu jitlob li jiġu adottati miżuri adegwati matul il-ġarr, li jiġu applikati protokolli li jkunu definiti biċ-ċar fil-faċilitajiet li jilqgħu l-ispeċijiet u li jiġu rispettati l-proċeduri adegwati sal-istadju li fih il-prodotti tal-ħut isiru disponibbli għall-konsum.

3.6

Id-definizzjoni l-ġdida tal-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura tirrikonoxxi b’mod adegwat ir-riżultat tal-azzjoni meħuda fil-qafas tal-IMPASSE, iżda għandha tagħmel referenza ċara għall-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura li jitqiesu daqslikieku jinsabu fuq l-art.

3.7

Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-għan stabbilit fir-regolament il-ġdid li jiġi evitat li l-iskart solidu jew l-organiżmi mrobbija fil-faċilitajiet jew xi wħud minnhom jidħlu fl-ilmijiet miftuħa. Iżda, fid-dawl tal-iżvilupp teknoloġiku qawwi fis-settur tal-filtrazzjoni u l-purifikazzjoni tal-ilma mormi u fid-dawl tal-prijorità tas-sikurezza bijoloġika, hemm bżonn li nikkunsidraw il-fatt li dan jista’ jseħħ permezz ta' għadd ta' sistemi fiżiċi, kimiċi, bijoloġiċi jew permezz ta’ taħlita tagħhom ilkoll.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Hemm bżonn li jiġu ddefiniti miżuri adegwati ta' monitoraġġ u kontroll b’rabta mal-introduzzjoni u t-trasferiment tal-ispeċijiet akkwatiċi aljeni jew dawk li ma jinstabux lokalment sabiex jiġi evitat il-periklu li l-ekosistemi akkwatiċi jiġu kkontaminati. Dan huwa possibbli biss permezz tat-tfassil, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' sensiela ta' kodiċi internazzjonali ta' prattiki u proċeduri adegwati.

4.2

Fid-dawl tal-fatt li ġie stabbilit li l-ilma mhuwiex l-uniku mezz li permezz tiegħu l-ispeċijiet jistgħu jaħarbu, għandu jiġi żgurat li jintużaw is-sistemi kollha għall-protezzjoni tal-ispeċijiet imrobbija f’faċilitajiet magħluqa mill-predaturi, b’mod partikolari l-għasafar, li jistgħu jxerrdu l-ispeċijiet imrobbija fl-ambjent naturali.

4.3

Tajjeb ukoll li l-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura jitmexxew separatament minn dawk miftuħa, bil-għan li jitnaqqas kwalunkwe periklu ta' kontaminazzjoni mill-ekosistemi akkwatiċi.

4.4

Il-Kumitat jaqbel li l-Istati Membri għandhom jiġu fdati bir-responsabbiltà li, kull tant żmien, jaġġornaw il-lista – disponibbli fuq l-internet – tal-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura disponibbli fit-territorju tagħhom. B’hekk, jiġi żgurat li dawn il-faċilitajiet jiġu rreklamati kemm jista’ jkun, bil-għan li kemm l-operaturi kif ukoll id-diversi partijiet interessati fil-livell lokali jerfgħu r-responsabbiltajiet individwali tagħhom rigward il-ġestjoni adatta tal-ispeċijiet imrobbija.

Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Naylor, R. & Burke M. (2005). Aquaculture and Ocean Resources: Raising Tigers of the Sea. Annual Review of Environment and Resources. 30:185-218.

(2)  Il-proġett tal-IMPASSE Nru 44142. D1.3. Deliverable 3.1. Review of risk assessment protocols associated with aquaculture, including the environmental, disease, genetic and economic issues of operations concerned with the introduction and translocation of species. (Gordon H. Copp, Esther Areikin, Abdellah Benabdelmouna, J. Robert Britton, Ian G. Cowx, Stephan Gollasch, Rodolphe E. Gozlan, Glyn Jones, Sylvie Lapègue, Paul J. Midtlyng, L. Miossec, Andy D. Nunn, Anna Occhipinti Ambrogi, S. Olenin, Edmund Peeler, Ian C. Russell, Dario Savini). – 2008 – (p. 14).