ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.CE2010.349.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 349E

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
22 ta' Diċembru 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew
SESSJONI 2010-2011
Dati tas-seduti: 9 – 11 ta' Marzu 2010
Il-Minuti ta' din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 131 E, 20.5.2010.
TESTI ADOTTATI

 

It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010

2010/C 349E/01

Ħarsien tal-konsumaturi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (2009/2137(INI))

1

2010/C 349E/02

SOLVIT
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar is-SOLVIT (2009/2138(INI))

10

2010/C 349E/03

Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008 (2009/2173(INI))

16

2010/C 349E/04

Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern (2009/2141(INI))

25

 

L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010

2010/C 349E/05

UE 2020 - Segwitu tal-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta’ Frar 2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar l-UE 2020

30

2010/C 349E/06

L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta' Goldstone dwar l-Iżrael/il-Palestina
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet Goldstone dwar l-Iżrael/il-Palestina

34

2010/C 349E/07

Is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-minoranzi nazzjonali fil-Bjelorussja
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-minoranzi nazzjonali fil-Bjelorussja

37

2010/C 349E/08

It-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji – nagħmluhom jaħdmu
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji – nagħmluhom jaħdmu

40

2010/C 349E/09

L-implimentazzjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA)

43

2010/C 349E/10

Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA

46

2010/C 349E/11

Regolament li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar ir-Regolament li japplika skema ta' preferenzi ġeneralizzati ta' tariffi

49

2010/C 349E/12

Rapport annwali 2008 dwar il-PESK
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) fl-2008, ippreżentat lill-Parlament Ewropew b'applikazzjoni tal-Parti II, Taqsima G, paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 (2009/2057(INI))

51

2010/C 349E/13

L-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea fil-kuntest tal-ESDP
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea fil-kuntest tal-ESDP (2009/2198(INI))

63

2010/C 349E/14

It-Trattat tan-Nonproliferazzjoni
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari

77

 

Il-Ħamis 11 ta’ Marzu 2010

2010/C 349E/15

Kuba
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar il-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba

82

2010/C 349E/16

L-Investiment f'Teknoloġiji b'Livell Baxx ta' Karbonju
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar l-investiment fl-iżvilupp ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju (SET-Plan)

84

2010/C 349E/17

Diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra u l-effetti tat-tempesta Xynthia fl-Ewropa
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar id-diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra u l-effetti tat-tempesta Xynthia fl-Ewropa

88

2010/C 349E/18

Il-każ ta' Gilad Shalit
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar Gilad Shalit

91

2010/C 349E/19

L-eskalazzjoni tal-vjolenza fil-Messiku
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar iż-żieda tal-vjolenza fil-Messiku

92

2010/C 349E/20

Korea t'Isfel: il-piena tal-mewt iddikjarata legali
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar il-piena tal-mewt iddikjarata legali fil-Korea t'Isfel –

95

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Parlament Ewropew

 

It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010

2010/C 349E/21

Allokazzjoni ta' FISIM għad-determinazzjoni tad-DGN *
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-allokazzjoni tas-servizzi finanzjarji intermedjarji mkejla b'mod indirett (FISIM) għad-determinazzjoni tad-Dħul Gross Nazzjonali (DGN) użat għall-għanijiet tal-baġit tal-Unjoni Ewropea u r-riżorsi proprji (COM(2009)0238 – C7-0049/2009 – 2009/0068(CNS))

97

2010/C 349E/22

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Il-Ġermanja - sensji
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (COM(2010)0007 – C7-0011/2010 – 2010/0005(BUD))

98

ANNESS

100

2010/C 349E/23

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Il-Litwanja - sensji
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (COM(2010)0008 – C7-0012/2010 – 2010/0003(BUD))

101

ANNESS

102

2010/C 349E/24

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Il-Litwanja - Kostruzzjoni ta’ bini
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (COM(2010)0009 – C7-0013/2010 – 2010/0002(BUD))

104

ANNESS

105

2010/C 349E/25

Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku ***
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku (COM(2009)0436 – C7-0163/2009 – 2009/0120(NLE))

107

2010/C 349E/26

Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets ***I
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 998/2003 dwar il-ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets (COM(2009)0268 – C7-0035/2009 – 2009/0077(COD))

107

P7_TC1-COD(2009)0077Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta' Marzu 2010 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Erwopew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 998/2003 dwar il-ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets

108

ANNESS

109

2010/C 349E/27

Moviment tal-persuni li jkollhom viża għal żjara fit-tul **I
Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-moviment tal-persuni li jkollhom viża għal żjara fit-tul (COM(2009)0091 – C6-0076/2009 – 2009/0028(COD))

109

P7_TC1-COD(2009)0028Posizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta' Marzu 2010 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-moviment tal-persuni li jkollhom viża għal soġġorn fit-tul

110

ANNESS

110

 

L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010

2010/C 349E/28

Il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji fir-rigward ta’ mikroentitajiet ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji fir-rigward ta’ mikroentitajiet (COM(2009)0083 – C6-0074/2009 – 2009/0035(COD))

111

P7_TC1-COD(2009)0035Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata tal-ewwel qari tal-10 ta' Marzu 2010 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2010/…/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji fir-rigward ta' mikroentitajiet

112

Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

**I

Proċedura ta' konsultazzjoni: l-ewwel qari

**II

Proċedura ta' konsultazzjoni: it-tieni qari

***

Proċedura ta' parir konformi

***I

Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari

***II

Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari

***III

Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura tiddependi mill-bażi legali proposta mill-Kummissjoni)

Emendi politiċi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u qawwija; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▐.

Korrezzjonijiet u adattamenti tekniċi tas-servizzi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva rqiqa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ║.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew SESSJONI 2010-2011 Dati tas-seduti: 9 – 11 ta' Marzu 2010 Il-Minuti ta' din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 131 E, 20.5.2010. TESTI ADOTTATI

It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010

22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/1


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
Ħarsien tal-konsumaturi

P7_TA(2010)0046

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (2009/2137(INI))

2010/C 349 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2009 bit-titolu “Il-monitoraġġ tar-riżultati għall-konsumatur fis-suq waħdieni: It-tieni edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” (COM(2009)0025) flimkien mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “It-tieni edizzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur” (SEC(2009)0076),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur (COM(2009)0330),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi) (COM(2009)0336),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' Lulju 2009 dwar metodoloġija armonizzata għall-klassifikar u l-irrappurtar tal-ilmenti u d-domandi tal-konsumaturi (COM(2009)0346) flimkien mal-Abbozz tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (SEC(2009)0949),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-22 ta' Settembru 2009 dwar is-segwitu fir-rigward tas-servizzi finanzjarji bl-imnut għat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (SEC(2009)1251),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0024/2010),

A.

billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (it-Tabella ta' Valutazzjoni), flimkien mat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern, għandhom l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-suq intern biex ikun aktar sensittiv għall-aspettattivi u għat-tħassib taċ-ċittadini,

B.

billi, fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni li jmiss, il-President Barroso qiegħed jitlob għal approċċ aktar sistematiku u integrat rigward it-tkomplija tas-suq intern, pereżempju permezz ta' “inizjattiva dwar is-sorveljanza tas-suq”,

C.

billi 499 miljun konsumatur fl-UE għandhom rwol ċentrali fil-funzjonament effikaċi tas-suq intern u għandhom rwol kruċjali fil-kisba tal-għanijiet tal-Aġenda ta' Lisbona għaż-żieda fit-tkabbir ekonomiku, ix-xogħol u l-kompetizzjoni, minħabba li l-infiq mill-konsumatur jiġġenera nofs il-ġid tal-UE,

D.

billi, bħala parti mill-Istrateġija għal Wara Lisbona 2020, il-politika dwar il-konsumatur għandha tkun adattata għall-iżvilupp sostenibbli li jirrispetta l-ambjent u jagħti attenzjoni għad-dimensjoni soċjali tas-suq intern,

E.

billi suq intern li jirrispondi b'mod effiċjenti għad-domandi tal-konsumatur jgħin ukoll sabiex tinkiseb ekonomija innovattiva u b'saħħitha, filwaqt li jitqies li s-swieq tal-konsumatur li huma effiċjenti u sensittivi għall-ekonomija ġenerali huma katalizzaturi tal-kompetittività u tal-benessri taċ-ċittadini,

F.

billi suq intern li jaħdem sew għandu joffri lill-konsumaturi għażla wiesgħa ta' prodotti u servizzi ta' kwalità għolja bi prezzijiet kompetittivi u, fl-istess ħin, livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur,

G.

billi huwa fir-rwol tagħhom bħala konsumaturi li l-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-UE jesperjenzaw is-suq intern fil-ħajja ta' kuljum,

H.

billi l-effikaċja ta' politika tal-konsumatur titjieb jekk il-konsumaturi u l-intrapriżi jkunu jafu dwar drittijiethom u l-obbligi tagħhom skont il-leġiżlazzjoni eżistenti u jkunu kapaċi japplikawhom għat-tranżazzjonijiet kummerċjali tagħhom,

I.

billi konsumaturi kunfidenti, infurmati sew u awtorizzati huma s-soluzzjoni għall-funzjonament effiċjenti tas-swieq, minħabba li jippremjaw lin-negozjanti li jaħdmu b'mod ġust u li jirreaġixxu bl-aħjar mod għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi,

J.

billi politika attiva għall-konsumaturi – li tinforma u tagħti responsabilità lill-konsumaturi, li konsegwentement jesiġu prodotti u servizzi ta' kwalità għolja – se jkollha sehem importanti biex l-Unjoni Ewropea ssir kompetittiva, dinamika u innovattiva fid-dinja,

K.

billi l-fatt li s-swieq bl-imnut żdiedu fil-kumplessità, u partikolarment is-suq tas-servizzi bl-imnut, u dan jagħmilha dejjem iktar diffiċli għall-konsumaturi biex jagħmlu għażla infurmata meta jixtru oġġetti jew iħallsu għal servizzi,

L.

billi l-approċċ ikkoordinat għall-edukazzjoni tal-konsumatur huwa meħtieġ sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b'fiduċja sħiħa,

M.

billi l-konsumaturi għandhom id-dritt għal kumpens meta jintlaqtu minn prattiki illegali, iżda fir-realtà jħabbtu wiċċhom ma' ostakli sostanzjali biex iressqu każijiet bħal dawn il-qorti minħabba l-ispejjeż kbar, il-proċeduri twal u kumplessi u r-riskji assoċjati mal-kawżi ta' litigazzjoni,

N.

billi t-Tabella ta' Valutazzjoni turi li erbgħa minn kull għaxar konsumaturi biss isibuha faċli biex isolvu t-tilwim bejn il-bejjiegħa u l-fornituri permezz ta' mekkaniżmi alternattivi għas-sejba ta' soluzzjoni għat-tilwim, u tlieta biss minn kull għaxra jsibuha faċli li jsolvu t-tilwim permezz tal-qorti,

O.

billi madwar nofs il-konsumaturi tal-UE li jagħmlu lment mhumiex sodisfatti bil-mod kif jiġi ttrattat l-ilment tagħhom, u nofshom biss jieħdu azzjoni ulterjuri,

P.

billi l-kriżi ekonomika żiedet il-pressjoni fuq gruppi ta' konsumaturi bi dħul baxx, li qegħdin jonfqu l-biċċa l-kbira tad-dħul tagħhom fuq ikel u akkomodazzjoni, u billi, konsegwentement, l-għadd ta' konsumaturi li qegħdin jidħlu fi djun żejda kulma jmur qiegħed jiżdied,

Q.

billi d-dimensjoni transkonfinali tas-swieq tal-konsumaturi qed tikber b'rata mgħaġġla bl-ispinta tal-kummerċ elettroniku iżda l-konsumaturi dejjem joqogħdu lura milli japprofittaw mill-benefiċċji li tipprovdi l-integrazzjoni tas-swieq, l-iktar minħabba li ma jħossuhomx fiduċjużi dwar il-fatt li d-drittijiet tagħhom jiġu protetti bl-istess mod għal xirjiet transkonfinali u minħabba n-nuqqas ta' ċertezza dwar id-dritt għall-kumpens,

R.

billi livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur huwa essenzjali għall-iżvilupp ta' kummerċ transkonfinali fi ħdan suq waħdieni li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-konsumaturi,

S.

billi d-dimensjoni transkonfinali tas-swieq tal-konsumatur, li qiegħda dejjem tikber, iġġib magħha sfidi ġodda għall-awtoritajiet tal-infurzar, li huma limitati minn konfini ġurisdizzjonali u l-frammentazzjoni tal-qafas regolatorju,

T.

billi l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali jeħtiġilhom iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiksbu l-għan tal-kisba ta' livell għoli fil-ħarsien tal-konsumatur u jipprovdu lill-konsumaturi bil-fiduċja li jisfruttaw is-suq waħdieni bil-potenzjal kollu li għandu,

U.

billi r-regoli dwar il-ħarsien tal-konsumatur fl-UE ftit għandhom effett jekk dawn ma jiġux trasposti, implimentati u infurzati fil-livell nazzjonali,

V.

billi, ladarba leġiżlazzjoni nazzjonali tkun stabbilita, il-Kummissjoni għandha tkun attiva f'li tagħti l-għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali biex japplikaw il-leġiżlazzjoni bil-mod korrett,

W.

billi, meta jitqies it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali, huwa għalhekk iktar importanti li l-infurzar ikun b'saħħtu u konsistenti minħabba li l-kriżi qed twassal għal żieda fil-vulnerabilità tal-konsumatur u livelli iktar baxxi ta' konformità jistgħu jwasslu għal iktar ħsara għall-konsumatur, filwaqt li l-awtoritajiet tal-infurzar jistgħu jiffaċċjaw pressjoni akbar fuq ir-riżorsi u għandhom għalhekk jistabbilixxu l-prijoritajiet tagħhom b'attenzjoni partikolari u jimmassimizzaw l-impatt tal-attivitajiet tagħhom,

X.

billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu b'mod attiv għal traspożizzjoni u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-konsumatur billi jkomplu jaħdmu flimkien mill-qrib,

Daħla

1.

Huwa tal-opinjoni li l-ħatra fl-2007 ta' Kummissarju tal-Affarijiet tal-Konsumatur iddedikata u l-impenn personali qawwi, l-onestà kbira u r-rwol proattiv ħafna tagħha ssarrfu fi progress fil-politika Ewropea għall-ħarsien tal-konsumatur u fil-kwistjonijiet dwar il-konsumatur li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini tal-UE;

2.

Jibża' mill-fatt li l-qsim tar-responsabbiltà għall-affarijiet tal-konsumatur bejn il-portafolli ta' żewġ Kummissarji jista' jwassal għal tnaqqis tal-attenzjoni fuq il-konsumatur fil-Kummissjoni l-ġdida u li, b'mod simili, jibża' li l-istruttura organizzattiva l-ġdida fid-diversi Direttorati Ġenerali tista' toħloq frammentazzjoni jew tolqot b'mod ħażin il-koerenza u l-effikaċja tal-politika tal-konsumatur;

3.

Jenfasizza li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jafferma mill-ġdid – bħala dispożizzjoni ta' applikazzjoni ġenerali – li r-rekwiżiti tal-ħarsien tal-konsumatur għandhom jitqiesu fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-integrazzjoni effikaċi tal-interessi tal-konsumatur fil-politiki kollha tal-UE, u biex fil-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha tħares lejn l-effetti potenzjali ta' leġiżlazzjoni u politiki ġodda li jolqtu direttament jew indirettament lill-konsumatur; iħeġġeġ lil kull Direttorat Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni biex jippubblika rapport annwali dwar kif il-politika tal-konsumatur hija integrata fil-qasam tar-responsabilità tiegħu;

4.

Jenfasizza l-ħtieġa għal politika tal-konsumatur attiva biex tgħin liċ-ċittadini japprofittaw bis-sħiħ mis-suq intern; iqis li politika tal-konsumatur attiva hija iktar essenzjali waqt il-kriżi ekonomika attwali biex tappoġġa l-politika soċjali fil-ġlieda kontra d-diskrepanzi dejjem jikbru u biex tipproteġi lill-konsumaturi vulnerabbli u l-gruppi bi dħul baxx;

5.

Jenfasizza li l-konsumaturi għandhom ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati, bla ma jkunu suġġetti għal xi kondizzjonament psikoloġiku min-naħa tal-produtturi li jagħmlu affermazzjonijiet tendenzjużi jew qarrieqa dwar il-prodotti, li jwasslu għal iktar kompetizzjoni bejn in-negozjanti biex jogħla l-livell tal-kwalità tal-oġġetti u s-servizzi li jipprovdu, u biex il-prezzijiet jinżammu fuq livelli kompetittivi;

6.

Hu tal-fehma li strateġija responsabbli min-naħa tad-dinja tan-negozju, bl-osservanza tal-prinċipju tar-responsabilità korporattiva, ir-regoli tal-kompetizzjoni u l-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi, għandhom jgħinu jispiraw fiduċja fost il-konsumaturi;

7.

Itenni li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi għandhom ir-rwol kruċjali li javżaw lill-awtoritajiet pubbliċi dwar il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi fil-ħajja ta' kuljum u li għandhom jitjiebu l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom biex jaġixxu b'mod effikaċi fuq il-livell tal-UE u dak nazzjonali; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jiġu kkonsultati kif xieraq f'kull stadju tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi tal-konsumatur;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu s-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-konsumaturi matul ħajjithom kollha sabiex jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżguraw li jingħata tagħrif ċar u li jinftiehem, b'mod partikolari, lill-konsumaturi żgħażagħ dwar il-prodotti u s-servizzi maħsuba għalihom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu aspetti tal-konsumatur fil-kurrikuli nazzjonali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni biex it-tfal jingħataw il-kompetenzi meħtieġa biex iktar tard f'ħajjithom ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet diffiċli, u biex jitqiesu programmi edukattivi għall-ġenituri u għall-konsumaturi adulti, bl-għan li għal żmien fit-tul tiġi żviluppata u kkonsolidata s-sensibilizzazzjoni tagħhom bħala konsumaturi; jenfasizza li dawn il-programmi għandhom jissodisfaw il-bżonnijiet edukattivi u l-kapaċitajiet tal-istudenti f'kull livell, filwaqt li jintużaw metodi ta' tagħlim moderni msejsa fuq l-esperjenza u eżempji mill-ħajja reali; ifakkar li anke l-konsumatur edukat, li hu konxju minn drittijietu u jaf fejn għandu jmur fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, hu importanti biex tiġi identifikata mġiba li ma tkunx konformi;

9.

Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-promozzjoni tal-konsum sostenibbli, filwaqt li jiġi enfasizzat il-fatt li l-fornituri tas-servizz u l-bejjiegħa bl-imnut, kif ukoll il-konsumaturi, għandhom jiġu edukati aktar rigward il-kunċett ta' konsum sostenibbli, sabiex ikunu jistgħu jadattaw l-imġiba tagħhom b'mod xieraq;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iniedu strateġija ta' komunikazzjoni b'għan ċar sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini tal-UE dwar ir-riskji għall-esponiment u d-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti portali fuq l-internet li huma faċli li jintużaw, kampanji li jissensibilizzaw u ċentri informattivi fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa tal-użu ta' metodi ta' komunikazzjoni speċifiċi sabiex l-informazzjoni tilħaq ukoll lill-konsumaturi li l-iktar ikunu vulnerabbli billi jiġu ggarantiti l-affidabilità, il-kredibilità u l-imparzjalità tal-entitajiet responsabbli għall-ġestjoni u l-organizzazzjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni;

It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur

11.

Jafferma mill-ġdid li t-Tabella ta' Valutazzjoni hija strument importanti għal monitoraġġ aħjar tas-swieq tal-konsumatur bl-għan li tingħata informazzjoni utli sabiex jiġi żgurat li jkun hemm tfassil ta' politiki u regolamentazzjoni aħjar, iżda wkoll biex juri liċ-ċittadini li t-tħassib tagħhom qiegħed jingħata widen;

12.

Jilqa' l-ħames indikaturi ewlenin fit-Tabella ta' Valutazzjoni – ilmenti, prezzijiet, sodisfazzjon, tibdil tal-fornitur u sikurezza – li huma importanti fl-identifikazzjoni ta' liema swieq ikunu fl-ikbar riskju li ma jiffunzjonawx sew f'termini ta' riżultati ekonomiċi u soċjali għall-konsumaturi; iqis, madankollu, li għandhom ikunu applikati wkoll kriterji li bihom ikun jista' jitkejjel kemm jaqblu l-prodotti u s-servizzi mal-għan ta' żvilupp sostenibbli;

13.

Jagħraf li, minkejja li l-ħames indikaturi ma jkoprux l-aspetti kollha tal-ambjent tal-konsumatur, huma jipprovdu bażi suffiċjenti għall-istabbiliment ta' prijoritajiet u t-tfassil ta' konklużjonijiet dwar fejn tinħtieġ iktar analiżi, sakemm l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri tkun komprensiva u tkun tista' tinġabar f'bażi li tista' titqabbel faċilment;

14.

Iqis li l-evidenza attwali dwar l-ilmenti, il-prezzijiet, is-sodisfazzjon, it-tibdil tal-fornitur u s-sikurezza tal-konsumatur għadha mhix suffiċjenti għat-tfassil ta' konklużjonijiet definittivi u li tinħtieġ iktar data ta' kwalità tajba biex tiġi żviluppata bażi b'saħħitha ta' evidenza dwar il-konsumatur; jenfasizza li, għalhekk, l-indikaturi għandhom jiġu żviluppati iktar u li l-ġbir tad-data jeħtieġ jiġi organizzat filwaqt li jitqiesu d-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali;

15.

Jissuġġerixxi li, meta l-ħames indikaturi bażiċi u l-metodoloġija marbuta magħhom ikunu żviluppaw biżżejjed biex jipproduċu riżultati tajbin ħafna, il-Kummissjoni għandha tqis tinkludix fit-Tabella ta' Valutazzjoni indikaturi oħrajn għal żmien itwal, bħal dawk marbuta mal-ishma tas-swieq, il-kwalità, ir-reklamar, it-trasparenza u l-komparabilità tal-offerti, indikaturi marbuta mal-infurzar u indikaturi marbuta mas-setgħa mogħtija lill-konsumatur, is-soċjetà, l-ambjent u l-etika, kif ukoll indikaturi biex jitkejjel il-kumpens u d-dannu lill-konsumatur; iqis, madankollu, li dan għandu jsir gradwalment sabiex jiġi żgurat li t-Tabella ta' Valutazzjoni tkun waħda ffukata u li tinftiehem, bil-ħsieb li tiġi żgurata strateġija aktar komprensiva dwar il-ħarsien tal-konsumaturi, sabiex dawn ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ mill-vantaġġi li joffri s-suq intern;

16.

Itenni li t-Tabella ta' Valutazzjoni għandha tkopri l-kategoriji ewlenin kollha tal-infiq tal-konsumatur, sabiex jiġu identifikati s-swieq l-iktar problematiċi u sabiex twitti t-triq għal analiżi speċifika għas-settur li tkun iktar dettaljata, partikolarment fejn l-evidenza tikxef problemi li huma komuni għad-diversi swieq; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw finanzjament u reklutaġġ ta' persunal xieraq biex it-Tabella ta' Valutazzjoni tkompli tiġi żviluppata;

17.

Huwa konxju mill-fatt li l-konsumaturi huma inqas sodisfatti u jkollhom problemi bis-servizzi iktar milli bil-prodotti, li juri li teżisti kumplessità ikbar fir-relazzjonijiet kontrattwali u l-għoti ta' servizzi meta mqabbel mal-oġġetti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq analiżijiet bir-reqqa tas-setturi kollha problematiċi identifikati fit-Tabella ta' Valutazzjoni; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tiżgura li eżerċizzji bħal dawn jiġu segwiti, fejn ikun xieraq, b'inizjattivi leġiżlattivi speċifiċi u b'rakkomandazzjonijiet għall-politiki tal-Istati Membri, u biex il-konklużjonijiet jintbagħtu lill-Parlament;

18.

Jilqa' l-interess u l-kwalità tax-xogħol li sar mill-Kummissjoni fl-istudju tagħha dwar is-servizzi finanzjarji bl-imnut, ippubblikat b'segwitu għat-Tabella ta' Valutazzjoni; Jinnota wkoll il-problemi identifikati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, li komplew jitgħarrqu minħabba l-kriżi finanzjarja; jilqa, b'mod partikolari, il-konklużjonijiet li ħarġu minn dan l-istudju rigward, pereżempju, il-problemi ewlenin dwar it-trasparenza u l-komparabilità tal-ispejjeż tal-kontijiet kurrenti fl-UE; iqis li għandhom jinsiltu l-konklużjonijiet xierqa kollha rigward il-ħtieġa ta' regolamentazzjoni aħjar f'dan is-settur;

19.

Jinnota li, filwaqt li l-ilmenti tal-konsumatur huma importanti biex jintgħaraf meta s-suq ma jkunx qed jiffunzjona sew, in-nuqqas ta' lmenti ma jfissirx dejjem li s-swieq jiffunzjonaw sew, peress li f'ċerti Stati Membri hemm inqas tendenza li l-konsumaturi jilmentaw minħabba tradizzjonijiet tal-konsumatur differenti jew perċezzjonijiet differenti dwar il-possibbiltà ta' suċċess; jinnota li, mil-lat l-ieħor, għadd kbir ta' lmenti fi Stat Membru wieħed ma għandux jiġi interpretat neċessarjament bħala sinjal ta' suq li qed ifalli iżda jista' jirriżulta mill-preżenza ta' entitajiet li jmexxu l-ilmenti b'mod effikaċi jew minn xi kampanja reċenti tal-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur;

20.

Jinnota li hemm iktar minn 700 organizzazzjoni ta' partijiet terzi li jiġbru lmenti tal-konsumatur fl-UE iżda l-organizzazzjoni tagħhom tvarja b'mod konsiderevoli u ftit minnhom jiġbru data dwar it-tip ta' lment u s-settur ikkonċernat; iqis li, filwaqt li dan jista' jkun suffiċjenti biex jingħataw pariri u informazzjoni, mhuwiex biżżejjed biex jiġu identifikati fallimenti potenzjali tas-suq mill-perspettiva tal-konsumatur; jistieden lill-entitajiet tal-ilmenti kollha, għalhekk, biex jadottaw metodoloġija armonizzata għall-klassifika u r-rappurtar ta' lmenti tal-konsumatur u jħeġġiġhom biex jirrapportaw data dwar ilmenti li jikkorrispondu għall-oqsma kollha – kemm dawk volontarji kif ukoll dawk rakkomandati – proposti mill-Kummissjoni fl-abbozz tar-rakkomandazzjoni tagħha; jemmen li l-iżvilupp ta' metodoloġija armonizzata se jippermetti lill-Istati Membri biex jiġbru data iktar sinifikattiva u biex joħolqu stampa iktar ċara tas-swieq tal-konsumatur nazzjonali, li jwassal għat-twaqqif ta' bażi tad-data tal-UE kollha li tkun tippermetti t-tqabbil tal-problemi tal-konsumaturi fl-UE;

21.

Jiġbed l-attenzjoni lejn l-analiżi tad-data dwar il-prezzijiet disponibbli li juru varjazzjonijiet transkonfinali mhux spjegati fl-għadd ta' oġġetti u servizzi; iqis li, minkejja d-differenzi bejn il-prezzijiet li ta' spiss huma marbuta mad-differenzi fid-domanda, il-livelli ta' nfiq, it-taxxi jew l-istruttura tal-ispejjeż, dawn sikwit ikunu sinjal ta' frammentazzjoni jew funzjonament ħażin tas-suq intern; jissuġġerixxi li, meta l-prezz ta' prodott speċifiku jkun ogħla mil-limitu, huwa meħtieġ li tiġi investigata r-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-importazzjoni u l-konsum u li r-raġunijiet għal-livelli differenti tal-prezzijiet jiġu eżaminati bir-reqqa;

22.

Jemmen li d-data tal-prezzijiet disponibbli mhijiex suffiċjenti għal monitoraġġ tajjeb tas-suq intern u jistieden lill-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u lill-Eurostat biex jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jipprovdu iktar data u jiżviluppaw iktar il-metodoloġija għall-ġbir tal-prezzijiet medji ta' oġġetti u servizzi li jistgħu jitqabblu u li huma rappreżentattivi; ifakkar f'dan ir-rigward fil-bżonn li l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika jivvalidaw u jipparteċipaw aktar fil-ħidma tal-ġbir tad-data, u l-kalkolu, tal-prezzijiet medji; jenfasizza li l-preżentazzjoni ta' data aktar trasparenti dwar il-prezzijiet tagħti aktar fiduċja lill-konsumaturi u turihom ukoll li wieħed ikun qiegħed jagħti kas it-tħassib tagħhom ta' kuljum;

23.

Jagħraf li s-sodisfazzjon tal-konsumatur huwa indikatur importanti biex wieħed jifhem kemm is-swieq sejrin tajjeb jew ħażin f'dak li għandu x'jaqsam ma' kemm huma moqdija l-konsumaturi; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa iktar il-metodoloġija u t-tekniki ta' kejl għat-twettiq ta' stħarriġ dwar is-sodisfazzjon tal-konsumatur u biex tkopri setturi oħra fil-ġejjieni;

24.

Huwa tal-fehma li l-kapaċità li wieħed ibiddel minn fornitur għal ieħor hija karatteristika essenzjali tal-kompetizzjoni f'ekonomija bbażata fuq is-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri biex jiffaċilitaw din il-bidla fis-servizzi bl-imnut importanti kollha;

25.

Jinnota li l-istħarriġ juri li l-fiduċja tal-konsumatur fis-sikurezza tal-prodotti ġeneralment tkun għolja minkejja li l-perċezzjonijiet tal-konsumatur jistgħu jvarjaw b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu d-data disponibbli bħalissa dwar is-sikurezza tal-prodotti tal-konsumatur li prinċipalment tinġabar abbażi ta' rapporti dwar inċidenti u korrimenti minħabba prodotti difettużi jew permezz ta' sistemi ta' notifika tar-riskju; jisħaq, b'mod partikolari, fuq il-ħtieġa ta' viġilanza dwar is-sikurezza tal-ġugarelli;

26.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha, fl-interess tat-titjib tas-sikurezza għall-konsumatur, biex jiġbru b'mod sistematiku u jirreġistraw dettalji dwar l-inċidenti jew il-korrimenti f'bażi tad-data komuni;

27.

Jinnota li l-prevalenza tal-attività transkonfinali għadha tvarja b'mod sinifikanti fl-UE, u minkejja li l-infiq medju f'akkwisti transkonfinali huwa wieħed konsiderevoli (EUR 737 għal kull persuna kull sena), il-maġġoranza l-kbira (75 %) tal-bejjiegħa bl-imnut ibigħu biss lil konsumaturi f'pajjiżhom filwaqt li kwart tal-konsumaturi tal-UE jagħmlu akkwisti transkonfinali; iqis li, filwaqt li jeżistu għadd ta' ostakli strutturali bħal-lingwa, id-distanza u d-differenzi fil-liġi dwar il-ħarsien tal-konsumatur, il-fiduċja akbar tal-konsumatur iżżid ħafna l-livelli tal-kummerċ transkonfinali; iqis li l-iżvilupp tal-kummerċ transkonfinali ma għandux iwassal għal tnaqqis fil-livell tar-regolamenti iżda, minflok, għandu jsaħħaħ il-ħtieġa tal-isforzi biex jinżamm l-ogħla livell ta' protezzjoni għall-konsumaturi fl-UE;

28.

Jinnota l-fatt li x-xiri minn fuq l-internet qed jinfirex iktar iżda li l-kummerċ elettroniku transkonfinali mhuwiex qed jiżviluppa bl-istess ħeffa bħax-xiri domestiku; jitlob lill-Kummissjoni biex it-Tabelli ta' Valutazzjoni li jmiss ikunu jinkludu data iktar kompluta dwar il-livell proprju tal-bejgħ transkonfinali u l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi transkonfinali;

29.

Jinnota li ftit iktar minn nofs il-konsumaturi tal-UE (51 %) jaħsbu li qegħdin jiġu protetti biżżejjed mill-miżuri tal-konsumatur eżistenti, iktar minn nofs (54 %) jaħsbu li l-awtoritajiet pubbliċi jipproteġu drittijiethom u proporzjoni ftit ikbar (59 %) jaħsbu li l-bejjiegħa u l-fornituri jirrispettaw drittijiethom;

30.

Jenfasizza l-fatt li kważi terz (30 %) tal-konsumaturi tal-UE li għamlu akkwist mill-bogħod minn fuq l-internet, it-telefown jew bil-posta, irrappurtaw xi problemi bil-kunsinna; jinnota, madankollu, li disgħa minn kull għaxar persuni li ppruvaw jibagħtu lura oġġett li xtraw jew ikkanċellaw kuntratt fi żmien il-perjodu tan-nifs irnexxielhom;

31.

Ifakkar li bosta Stati Membri żviluppaw għodda għall-monitoraġġ tas-swieq nazzjonali tagħhom mil-lat tal-konsumatur bħal osservatorji tal-prezzijiet jew sistemi komprensivi tal-ilmenti għat-tfassil tal-politiki, filwaqt li Stati Membri oħra ma jużawx id-data għall-monitoraġġ tas-swieq tal-konsumatur u għandhom diffikultajiet biex jaggregawha; jisħaq, għal din ir-raġuni, fuq il-ħtieġa tal-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

32.

Jenfasizza li l-parteċipazzjoni sinifikanti tal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika u l-Eurostat, kif ukoll il-kooperazzjoni mill-qrib bejn dawn l-entitajiet, il-Kummissjoni, dawk li jfasslu l-politiki dwar il-konsumatur, l-awtoritajiet tal-infurzar nazzjonali kif ukoll l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tal-impriżi, se tkun importanti ħafna biex tiżgura l-kwalità u kemm tkun kompluta d-data u għal iktar żvilupp tal-bażi ta' evidenza meħtieġa; jistieden lill-Eurostat, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati kollha biex jieħdu passi biex jiffaċilitaw kooperazzjoni bħal din;

33.

Hu tal-fehma li d-data b'rilevanza għas-suq jista' jkollha sehem importanti biex tagħti spinta kemm lill-innovazzjoni kif ukoll lill-kompetittività; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tat-Tabella ta' Valutazzjoni, li hija biċċa għodda tajba għall-identifikazzjoni tal-preferenzi u tad-domanda tal-konsumaturi; jinnota li din id-data tista' tistimula l-innovazzjoni billi toffri inċentivi lill-impriżi biex jidħlu fi swieq ġodda u billi toħloq pressjoni fuq il-kumpaniji biex itejbu l-prodotti u s-servizzi tagħhom;

34.

Huwa tal-opinjoni li t-Tabella ta' Valutazzjoni, jekk tkun sostnuta minn data affidabbli li tkun tista' titqabbel faċilment fost is-27 Stat Membru, għandha sservi ta' sors mimli data komparattiva għal dawk li jfasslu l-politika fuq livell nazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni, għall-konsumatur u għal oqsma oħra ta' politika u għandha tgħinhom jidentifikaw fil-livell nazzjonali s-swieq li mhux qegħdin jiffunzjonaw sew għall-konsumaturi;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi limitu għall-ambjent tal-konsumatur f'kull Stat Membru filwaqt li tqis id-differenzi fil-liġi tal-konsumatur u t-tradizzjonijiet f'dan il-qasam; itenni li t-tqabbil tal-eżitu tal-konsumatur bejn l-Istati Membri u l-istabbiliment ta' limiti fl-ambjent tal-konsumatur fl-UE jgħinu biex jidentifikaw l-aqwa prattiki u mbagħad joħolqu suq intern li jiffunzjona sew għall-konsumaturi;

36.

jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex kull sena jwettqu eżerċizzju ta' monitoraġġ wiesa' tas-suq sabiex jidentifikaw is-swieq li jkunu qed ifallu għall-konsumaturi u jipprovdu data kompluta li tippermetti lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tqabbel il-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-konsumaturi fis-suq intern;

37.

Isostni li t-Tabella ta' Valutazzjoni ma għandhiex tintuża biss biex tipprovdi politika tal-konsumatur aħjar iżda għandha tikkontribwixxi wkoll għall-politiki kollha li jaffettwaw il-konsumaturi, biex b'hekk tiżgura integrazzjoni aħjar tal-interessi tal-konsumatur fil-politiki kollha tal-UE u l-integrazzjoni tal-objettiv ta' żvilupp sostenibbli fil-politika ta' protezzjoni tal-konsumatur; jenfasizza li t-Tabella ta' Valutazzjoni għandha tistimula wkoll dibattitu iktar ġenerali dwar kwistjonijiet tal-politika tal-konsumatur;

38.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa, bl-appoġġ tal-Istati Membri, strateġija li tippreżenta aħjar it-Tabella ta' Valutazzjoni lil pubbliku usa', biex, fost affarijiet oħra, tiżgura l-aċċessibbiltà faċli u viżibbli fuq siti tal-internet rilevanti u biex tippromwovi t-tixrid xieraq lill-midja, l-awtoritajiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u partijiet interessati oħra; iqis li huwa meħtieġ li titkompla l-pubblikazzjoni annwali tat-Tabella ta' Valutazzjoni f'fuljett u biex dan ikun disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu b'mod xieraq fost iċ-ċittadini Ewropej il-websajt “eYou Guide”, maħluqa apposta mill-Kummissjoni bħala gwida għad-drittijiet taċ-ċittadini;

L-infurzar tal-acquis tal-konsumatur

39.

Jilqa' l-ħames oqsma ta' azzjoni ta' prijorità identifikati mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur;

40.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni u l-infurzar effikaċi tar-regoli tal-ħarsien tal-konsumatur tal-UE huma katalizzaturi għaż-żieda fil-fiduċja tal-konsumatur u jiskoraġġixxu bil-qawwa lill-kumpaniji li jippruvaw jonqsu milli jsegwu dawk ir-regoli; jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib u tgħin lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-konsumatur tal-UE; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tfittex alternattivi, fuq il-bażi legali pprovduta mill-Artikolu 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għat-titjib tal-politika dwar il-protezzjoni tal-konsumatur permezz ta' miżuri ta' appoġġ u assistenza għall-politiki tal-Istati Membri, li eventwalment tkun tinkludi l-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea tal-Konsumaturi;

41.

Jinnota li l-infurzar fl-UE baqagħlu biex ikun uniformi u li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għandhom punti b'saħħithom kif ukoll dgħajfa; jinnota li ċ-ċifri juru differenzi importanti bejn l-Istati Membri f'termini ta' baġits għas-sorveljanza tas-suq u l-għadd ta' spetturi involuti; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom u jżidu r-riżorsi sabiex jiżguraw li l-liġijiet li jipproteġu lill-konsumaturi u li jiggarantixxu kompetizzjoni jiġu infurzati fis-swieq bl-imnut;

42.

Iqis li t-tisħiħ tas-sorveljanza tas-swieq u l-mekkaniżmi tal-infurzar, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom b'mod effiċjenti u komprensiv, biex jinkoraġġixxu l-fiduċja tal-konsumatur huma kruċjali minħabba li l-infiq tal-konsumatur se jkun fattur importanti għall-irkupru ekonomiku; huwa tal-opinjoni li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jingħataw iktar riżorsi biex jinvestigaw u finalment iwaqqfu l-prattiki kummerċjali illegali;

43.

Jenfasizza li s-swieq tal-konsumatur jevolvu bil-ħeffa u l-awtoritajiet tal-infurzar għandhom ikunu kapaċi jiffaċċaw l-isfidi l-ġodda li jġibu magħhom il-bidliet ekonomiċi u teknoloġiċi li jaffettwaw il-kapaċità tagħhom biex ikunu effikaċi f'ambjent transkonfinali bħal ma hu s-suq intern u, biex jiksbu dan, għandhom jingħaqdu l-isforzi sabiex jiġi żgurat li l-infurzar ikun effikaċi u konsistenti fl-UE; iqis li hu meħtieġ li ssir reviżjoni tal-qafas regolatorju sabiex ma jkunux jeżistu lakuni regolatorji;

44.

Jinkoraġġixxi l-istabbiliment fl-Istati Membri kollha ta' aġenziji indipendenti għall-ħarsien tal-konsumatur biex jagħtu tagħrif u jressqu proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jipproteġu l-interessi tal-konsumaturi; jinkoraġġixxi, għalhekk, il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji għall-ħarsien tal-konsumatur fl-Istati Membri kollha;

45.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex iqisu l-benefiċċji tal-introduzzjoni ta' Ombudsman tal-Konsumaturi; jirrimarka li istituzzjoni bħal din teżisti f'xi Stati Membri mhux biss bħala korp extraġudizzjarju għas-soluzzjoni amikevoli ta' tilwimiet tal-konsumaturi, iżda wkoll bħala istituzzjoni konsultattiva li taħdem flimkien mal-Istat biex issolvi problemi fil-kompetenza tagħha;

46.

Huwa tal-istess opinjoni bħall-Kummissjoni li mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim bħall-medjazzjoni u l-arbitraġġ jew ftehimiet bonarji, jistgħu jkunu konvenjenti u għażla attraenti għall-konsumaturi li ma jkunx irnexxielhom isolvu t-tilwim tagħhom b'mod informali man-negozjant jew ma' organizzazzjoni pubblika li tipprovdi s-servizzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' mekkaniżmi alternattivi ta' riżoluzzjoni ta' tilwim biex isaħħu l-livell tal-ħarsien tal-konsumatur u jimmassimizzaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni, iżda jenfasizza li dawn il-mekkaniżmi għandhom jikkomplementaw, u mhux jieħdu post, il-mezzi ġudizzjarji jew amministrattivi tal-infurzar; iqis ukoll li dati ta' skadenza fissi għat-tweġibiet ta' aġenziji u kumpaniji dwar il-prattiki differenti li jkunu ġew irrappurtati jistgħu jgħinu b'mod sinifikanti lill-konsumaturi li jkunu jridu jieħdu azzjoni biex isolvu tilwima;

47.

Ifakkar li l-fatti juru differenzi kbar bejn l-Istati Membri u li għad hemm il-ħtieġa għal titjib f'termini ta' mekkaniżmi ta' rimedju; ifakkar li sistemi ġudizzjarji ta' rimedju kollettiv jeżistu fi 13-il Stat Membru u jistieden lill-Kummissjoni biex mill-aktar fis possibbli tipprovdi segwitu għall-Green Paper tagħha tas-27 ta' Novembru 2008 dwar ir-Rimedju Kollettiv tal-Konsumaturi (COM(2008)0794);

48.

Jenfasizza l-ħtieġa għal taħriġ u edukazzjoni bix-xieraq tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku u tal-awtoritajiet ġudizzjarji fir-rigward tar-regoli tal-ħarsien tal-konsumatur tal-UE;

49.

Jinnota li r-reviżjoni tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur tindika li l-awtoritajiet li jmexxu l-każijiet transkonfinali qed ikollhom diffikultajiet minħabba n-nuqqas ta' riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina kif riżorsi adegwati jistgħu jiġu żgurati sabiex ikunu konformi mal-obbligi eżistenti skont ir-Regolament dwar il-kooperazzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur;

50.

Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal azzjonijiet ta' infurzar konġunt (spezzjonijiet) fejn, simultanjament, l-awtoritajiet nazzjonali jeżaminaw settur speċifiku għall-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza li dawk l-azzjonijiet għandhom jitwettqu iktar sikwit (darbtejn fis-sena) abbażi ta' metodoloġija komuni u għandhom jintużaw flimkien ma' strumenti oħra;

51.

Jirrikonoxxi l-kumplessità legali marbuta mal-pubblikazzjoni tar-riżultati tas-sorveljanza tas-suq u l-attivitajiet tal-infurzar, u l-fatt li x-xogħol investigattiv sikwit ikun suġġett għal regoli stretti ta' kunfidenzjalità, iżda huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippubblikaw dawn ir-riżultati, inkluż it-taqsim skont il-kumpaniji individwali, f'każijiet fejn tiġi identifikata r-rikorrenza ta' prattiki illegali; iqis li dan jiżgura iktar trasparenza, jagħti iktar viżibbiltà lix-xogħol ta' infurzar li jsir mill-awtoritajiet nazzjonali u l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati sew;

52.

Jitlob għat-tisħiħ ta' strutturi tas-sorveljanza tas-suq fl-Istati Membri kollha sabiex il-prodotti li jiċċirkolaw fis-swieq tagħhom jilħqu standards għoljin ta' sikurezza u li prodotti difettużi jew perikolużi jitneħħew malajr mis-suq; jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tirrevedi regolarment il-linji gwida użati mis-sistema ta' twissija rapida, RAPEX, sabiex jittejjeb il-funzjonament tagħha;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex iżżid il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regolamenti dwar is-sorveljanza tas-suq min-naħa tal-Istati Membri, b'mod partikolari r-Regolament (KE) 765/2008 u, jekk ikun meħtieġ, biex tressaq il-proċeduri ta' ksur bla dewmien;

54.

Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex tanalizza l-aħħar mezzi tekniċi ta' sorveljanza sabiex tiżgura li jkun hemm traċċabilità globali tal-prodotti fil-katina sħiħa ta' provvista (eż. bl-użu ta' tikketti RFID jew barcodes); jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq quddiem il-Parlament l-inizjattivi attwali tagħha u l-aħħar informazzjoni dwar l-iżvilupp ta' netwerk globali ta' traċċabbiltà;

55.

Ifakkar li n-Netwerk Ewropew taċ-Ċentri tal-Konsumatur jeħtieġ finanzjament xieraq sabiex jippromwovi l-fiduċja tal-konsumatur billi jagħti parir liċ-ċittadini dwar drittijiethom bħala konsumaturi u billi jipprovdi aċċess faċli għar-rimedju f'każijiet fejn il-konsumaturi jkunu għamlu akkwisti transkonfinali;

56.

Jinnota li, billi jitqies l-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li kulma jmur qiegħed jikber fl-UE, l-awtoritajiet doganali għandhom rwol importanti fil-ħarsien tal-konsumaturi minn prodotti importati li ma jkunux sikuri, u li tinħtieġ kooperazzjoni dejjem eqreb bejn is-sorveljanza tas-suq u l-awtoritajiet doganali iżda wkoll bejn l-awtoritajiet doganali ta' diversi Stati Membri;

57.

Jenfasizza li l-garanzija tas-sikurezza ta' prodotti li jiċċirkolaw fi ħdan is-suq intern teħtieġ l-għaqda ta' sforzi ma' awtoritajiet ta' pajjiżi terzi; jappoġġa, għalhekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u tmexxi ftehimiet formali mal-awtoritajiet tal-infurzar f'pajjiżi terzi, partikolarment fiċ-Ċina, fl-Istati Uniti u fil-Ġappun; jinnota li d-djalogu kontinwu u l-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sigurtà tal-prodotti huma fl-interess tal-partijiet kollha u huma fundamentali għall-bini tal-fiduċja tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni biex taġġorna regolarment lill-Parlament dwar id-djalogu tagħha ma' pajjiżi terzi;

*

* *

58.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Testi adottati, P6_TA(2008)0540.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/10


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
SOLVIT

P7_TA(2010)0047

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar is-SOLVIT (2009/2138(INI))

2010/C 349 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar is-Soluzzjoni Effikaċi tal-Problemi fis-Suq Intern (“SOLVIT”) (1),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Diċembru 2001 dwar il-prinċipji tal-użu tas-“SOLVIT” – in-Netwerk għas-Soluzzjoni ta’ Problemi fis-Suq Intern (2),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ta’ Marzu 2002, li abbażi tagħhom il-Kunsill ikkonferma l-impenn tal-Istati Membri favur it-tħaddim effettiv tas-sistema tas-SOLVIT u favur il-prinċipji tagħha,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta’ Direttivi li jolqtu s-suq intern (3),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Lulju 2005 dwar pjan ta’ azzjoni biex tittejjeb il-komunikazzjoni tal-Ewropa mill-Kummissjoni (4), inter alia, billi tissimplifika l-informazzjoni u n-netwerks ta’ assistenza appoġġjati mill-Kummissjoni,

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2008 dwar pjan ta’ azzjoni rigward approċċ integrat għall-provvediment ta’ Servizzi ta’ Assistenza tas-Suq Uniku liċ-ċittadini u n-negozji (5),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 19 (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Settembru 2007 dwar ir-Reviżjoni tas-Suq Wieħed: negħlbu x-xkiel u l-ineffiċjenzi permezz ta’ implimentazzjoni u infurzar aħjar (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Settembru 2008 dwar l-Evalwazzjoni tas-Suq Intern (8),

wara li kkunsidra r-rapport SOLVIT 2008 intitolat “L-iżvilupp u l-prestazzjoni tan-netwerk SOLVIT fl-2008” (9),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku (10),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill (Kompettittività - Suq Intern, Industrija u Riċerka) tal-24 ta’ Settembru 2009 dwar “Kif intejbu l-funzjonament tas-Suq Intern” (11),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar attivitajiet tal-Kummissjoni għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku (12),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar koperazzjoni amministrattiva fis-suq uniku (13),

wara li kkunsidra l-Artikolu 119(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0027/2010),

A.

billi l-Kummissjoni, il-Parlament, l-Ombudsman Ewropew u l-Istati Membri jeħtiġilhom jagħmlu iżjed sabiex jiddefinixxu u jipprovdu informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u sabiex jgħinu liċ-ċittadini jgawdu dawn id-drittijiet; billi dan jgħin ukoll biex is-suq intern jaħdem aħjar,

B.

billi ż-żieda fit-trasparenza hija kruċjali biex jintgħelbu l-ostakli għall-moviment transkonfinali u biex jiġu infurzati d-drittijiet tal-moviment ħieles,

C.

billi jeħtieġ li jkun hemm titjib ċar min-naħa tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri biex iqajmu kuxjenza dwar l-opportunitajiet li s-suq intern joffri għaċ-ċittadini u n-negozji,

D.

billi s-suq intern għamel progress kbir iżda għad hemm ostakli li jxekklu l-funzjonament sħiħ u xieraq tiegħu,

E.

billi meta r-regoli tas-suq intern jiġu implimentati ħażin, għandu jkun hemm disponibbli rimedju mgħaġġel li ma jinvolvix neċessarjament azzjoni legali,

F.

billi n-netwerk SOLVIT, meta jkun operattiv b’mod sħiħ, se jkun jista’ jevita r-rikors eċċessiv għas-sistema ġudizzjarja, fejn ta’spiss il-proċeduri jkunu kumplessi, u l-mekkaniżmi li jiggarantixxu d-difiża tal-individwi spiss ixekklu l-aċċess għall-ġustizzja,

G.

billi t-taħriġ u l-iskambji transkonfinali, inter alia, permezz tan-netwerks elettroniċi li ħolqot il-Kummissjoni, huma essenzjali biex ikun hemm applikazzjoni aħjar tal-acquis Komunitarju dwar is-suq intern,

H.

billi ċ-ċittadini u n-negozji jiddependu minn infurzar effettiv tar-regoli tas-suq intern biex jgħinuhom jibbenefikaw bis-sħiħ mill-potenzjal tas-suq intern,

I.

billi l-Istati Membri għandhom, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, itejbu l-kapaċità ta’ dawn il-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni tal-problemi sabiex jgħinu liċ-ċittadini jaffermaw id-drittijiet tagħhom,

J.

billi n-netwerk SOLVIT inħoloq mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fl-2002 bil-għan li jsolvi l-problemi li jinqalgħu liċ-ċittadini u n-negozji minħabba l-applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern,

K.

billi s-SOLVIT huwa netwerk online li jsolvi l-problemi u li fih l-Istati Membri tal-UE (kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein) jaħdmu flimkien biex isolvu l-problemi – mingħajr rikors għal proċeduri legali – li jiltaqgħu magħhom iċ-ċittadini u n-negozji minħabba l-applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi,

L.

billi is-SOLVIT huwa meqjus bħala sistema relattivament ta’ suċċess li tipprovdi rimedju, mingħajr proċeduri formali, fi żmien medju ta’ 10 ġimgħat, u billi s-soluzzjoni tal-problemi tas-suq intern bis-SOLVIT tista’ tkun mudell ta’ prattika tajba għas-Servizzi ta’ Assistenza tas-Suq Uniku,

M.

billi, jekk dan jitqies meħtieġ minn Stat Membru individwali, speċjalment fid-dawl ta’ kwalunkwe kampanja pubbliċitarja imminenti, il-kapaċità tas-SOLVIT għandha titkabbar sabiex jiġu evitati problemi ta’ nuqqas ta’ persunal,

N.

billi s-SOLVIT, madankollu, la għandu jissostittwixxi l-ħidma legali tal-Kummissjoni dwar il-ksur tal-liġijiet, u lanqas ma għandu jkun skuża biex il-ħidma fl-Istati Membri tkun inqas ambizzjuża sabiex id-direttivi tal-UE jiġu trasposti fil-ħin u b’mod xieraq,

O.

billi ħafna ċittadini li jkollhom problema relatata mas-suq intern u li tkun taqa’ fl-ambitu tas-SOLVIT m’humiex konxji mis-SOLVIT, u għalhekk imorru għand l-Ombudsman Ewropew bil-problema tagħhom;

Introduzzjoni

1.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2002 li tistabbbilixxi n-netwerk SOLVIT tal-amministrazzjonijiet nazzjonali bl-użu ta’ bażi tad-data interattiva, li kienet għodda ta’ suċċess li żiedet it-trasparenza u ħolqot pressjoni mill-pari ħalli jitħaffef il-proċess tas-soluzzjoni tal-problemi;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħat kollha tagħha biex tiżgura l-applikazzjoni effikaċi tar-regoli tas-suq intern sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq iċ-ċittadini u n-negozji;

Soluzzjoni effettikaċi tal-problemi fis-suq intern

3.

Jenfasizza l-fatt li permezz tan-netwerk SOLVIT ta’ sikwit jinkixfu problemi relatati mal-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq intern;

4.

Jenfasizza li l-esperjenzi tas-SOLVIT għandhom jitqiesu fit-tfassil tal-politika nazzjonali u tal-UE, u għandhom iwasslu għal bidliet strutturali jew regolatorji fejn ikun meħtieġ;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod sistematiku, fit-Tabelli ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern u tas-Suq tal-Konsumatur, tinkludi informazzjoni aktar dettaljata dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern, kemm sabiex tiżdied it-trasparenza kif ukoll biex tiġi pprovduta għodda utli għall-persunal tas-SOLVIT;

6.

Jitlob li t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, ir-Rapport SOLVIT, is-Servizz ta’ Informazzjoni għaċ-Ċittadini u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur jiġu ppubblikati darba fis-sena fl-istess żmien (bla ma tinbidel il-frekwenza tal-pubblikazzjoni tagħhom) sabiex tiġi provduta stampa globali tal-iżvilupp tas-suq intern u biex jiġi kkoordinat aħjar ix-xogħol li diġà sar f’dawk l-oqsma filwaqt li tinżamm in-natura partikulari ta’ dawk l-istrumenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-inklużjoni ta’ rapport dettaljat dwar il-progress, il-kisbiet u n-nuqqasijiet tas-SOLVIT fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni immedjata biex issolvi l-problemi rikurrenti li jiġu identifikati permezz tan-netwerk SOLVIT;

Problemi orizzontali identifikati f’livell nazzjonali

7.

Jirrimarka li ċerti ċentri tas-SOLVIT m’għandhomx persunal biżżejjed, u li fl-2008 l-għadd ta’ każijiet solvuti naqas, filwaqt li l-għadd medju ta’ jiem meħtieġa biex jiġu solvuti żdied; jistieden liċ-ċentri kollha tas-SOLVIT biex jimpjegaw persunal bi kwalifiki u esperjenza biżżejjed għall-pożizzjoni li jkunu se jokkupaw; huwa tal-fehma li għandu jkun hemm iktar taħriġ għall-persunal impjegat mis-SOLVIT; ifaħħar il-ħidma mwettqa mis-SOLVIT, b’mod partikulari r-rata ta’ soluzzjoni tal-każijiet tiegħu, li baqgħet għolja (83 %) minkejja li fl-2008 l-ammont ta’ xogħol żdied (żieda ta’ 22 % għal total ta’ 1 000 każ) u minkejja l-fatt li wħud miċ-ċentri SOLVIT qed jiffaċċjaw problemi minħabba nuqqas ta’ persunal;

8.

Jinnota li bosta ċittadini u negozji żgħar m’humiex konxji biżżejjed mill-ħidma tas-SOLVIT u li n-negozji jew jużaw servizzi legali kummerċjali f’każijiet fejn ikunu jistgħu jużaw is-SOLVIT għall-benefiċċju tagħhom jew saħansitra jaċċettaw talbiet f’dan is-sens minn Stati Membri, minkejja li dawn it-talbiet m’humiex konformi mal-acquis tas-suq intern tal-Komunità;jilqa’ l-fatt li l-attivitajiet tas-SOLVIT wasslu għal frankar tal-ispejjeż għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej li huwa stmat li ammonta għal EUR 32.6 miljun fl-2008;

9.

Jinnota li l-portafoll tal-ministeru li jilqa’ ċ-ċentru nazzjonali tas-SOLVIT f’pajjiż partikulari jista’ jkollu effett fuq il-perċezzjoni tat-tipta’ ħidma li tkun qed issir mis-SOLVIT f’dak il-pajjiż, u li l-livell ta’ soluzzjoni b’suċċess u tal-espedizzjoni tal-każijiet jiddependi fuq ir-rieda u l-ħila tal-Istati Membri li jikkoperaw mill-qrib maċ-ċentri tas-SOLVIT;

10.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li ċ-ċentru tas-SOLVIT tagħhom ikollu appoġġ politiku qawwi ħalli jkun jista’ jikkonvinċi lill-awtoritajiet li jkunu saru l-ilmenti dwarhom biex jikkoperaw b’mod attiv fil-kuntest tal-proċedura tas-SOLVIT u fl-iskadenzi relevanti;

11.

Iqis li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-effiċjenza tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u s-SOLVIT; iqis, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom iniedu skambju iżjed intensiv u wiesa’ tal-aqwa prattiki;

12.

Jenfasizza l-importanza tal-iskambju tal-informazzjoni bejn iċ-ċentri tas-SOLVIT, u għalhekk jirrakkomanda li ċ-ċentri tas-SOLVIT tal-Istati Membri jiltaqgħu regolarment biex ikun jista’ jsir l-iskambju tal-informazzjoni u biex jaqsmu bejniethom eżempji tal-aqwa prattiki u sistemi;

Miżuri li għandhom jiġu previsti

13.

Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu s-SOLVIT, permezz tal-mezzi kollha tal-midja biex jiżguraw li ċ-ċittadini u n-negozji jintlaħqu b’mod wiesa’, b’mod speċjali dwar kif jistgħu jaffermaw id-drittijiet tagħhom, u biex jallokaw riżorsi biżżejjed sabiex din il-promozzjoni ssir iżjed effettiva; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu sistemi alternattivi ta’ soluzzjoni online tal-kunflitti fi ħdan in-netwerk SOLVIT, u jistieden ukoll lill-Membri tiegħu biex jippromwovu s-SOLVIT fil-kostitwenzi tagħhom;

14.

Jistieden lil kull Stat Membru biex jippromwovi s-SOLVIT bħala mekkaniżmu alternattiv ta’ soluzzjoni tal-kunflitti, permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni nazzjonali;

15.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu s-SOLVIT fuq l-Internet; iħeġġeġ lill-Kummisjoni biex tagħmel disponibbli indirizz tal-internet wieħed għaċ-ċentri nazzjonali kollha tas-SOLVIT - www.solvit.eu - ħalli tħaffef l-aċċess taċ-ċittadini sa ma jasal biex jitnieda mill-ġdid il-portal “Your Europe”, li eventwalment għandu jgħaqqad flimkien is-Servizzi ta’ Assistenza tas-Suq Intern kollha, inkluż is-SOLVIT;

16.

Jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu paġni tal-internet li jkunu konnessi mal-portal Ewropew tas-SOLVIT, u li jkun fihom ġabra ta’ każijiet li ssolvew b’suċċess u tal-aqwa prattiki fir-rigward tas-soluzzjoni tal-kunflitti permezz ta’ dan il-mekkażimu;

17.

Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-effiċjenza taċ-ċentri tas-SOLVIT billi jipprovdu ħaddiema taċ-ċivil fid-dipartimenti rilevanti ħalli titħaffef is-soluzzjoni tal-każijiet li ma jkunux jaqgħu fil-kompetenza tas-SOLVIT (SOLVIT+), u billi jiżguraw aċċess xieraq għall-kompetenza legali fl-amministrazzjoni tagħhom stess taċ-ċentri tas-SOLVIT; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef il-provvediment ta’ valutazzjonijiet legali informali liċ-ċentri tas-SOLVIT;

18.

Jistieden lill-Istati Membri biex jaħtru uffiċjal ta’ kollaborazzjoni (liaison) tas-SOLVIT fis-servizzi pubbliċi involuti fl-implimentazzjoni tar-regoli tas-suq intern sabiex tiġi żgurata koperazzjoni aħjar;

19.

Jistieden lill-Istati Membri biex jorganizzaw kampanji ta’ informazzjoni dwar is-SOLVIT fuq livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, li għandhom ikunu maħsuba għal gruppi speċifiċi, bħall-SMEs, li bħalissa għadhom lura fl-għarfien tagħhom dwar is-SOLVIT, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkoperaw u jagħmlu skambju tal-aqwa prattiki ħalli l-promozzjoni tas-SOLVIT tkun effiċjenti kemm jista’ jkun; jinnota li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, parallelament mal-proċedura tiegħu stess, jirreferi lill-petizzjonanti għas-SOLVIT meta jqis li tista’ tinsab soluzzjoni aktar malajr permezz tas-SOLVIT;

20.

Jirrikonoxxi l-effettività tas-SOLVIT bħala netwerk ta’ kooperazzjoni li jagħmel ħiltu bil-għan li jsolvi b’mod informali problemi li jaffaċċjaw iċ-ċittadini u n-negozji minħabba applikazzjoni ħażina tal-liġi tas-suq intern mill-awtoritajiet pubbliċi;

21.

Jinnota li r-rapport annwali tal-2008 tas-SOLVIT juri li s-SOLVIT jiġbed lejh ammont kbir ta’ każijiet li ma jaqgħux taħt dan in-netwerk u li dan qed iwassal għal proċess aktar bil-mod tal-immaniġġjar tal-ilmenti fiċ-ċentri tas-SOLVIT;

22.

Jinnota li hemm diversi entitajiet li permezz tagħhom iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jikkomunikaw il-problemi tagħhom, inklużi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, SOLVIT, il-Kummissjoni u l-Ombudsman Ewropew;

23.

Jitlob lis-SOLVIT biex jirreferi l-każijiet ta’ applikazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni tal-UE, li għalih huma wisq kumplessi biex isolvihom, mhux biss lill-Kummissjoni iżda wkoll, fejn xieraq, lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament;

24.

Ifakkar li l-petizzjonijiet huma trattati b’mod miftuħ u trasparenti f’kooperazzjoni mill-qrib mal-kumitati leġiżlattivi kompetenti, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet differenti fl-Istati Membri;

25.

Iqis li l-proċess tal-petizzjonijiet jista’ jagħti kontribut pożittiv għal tfassil aħjar tal-liġijiet; ifakkar mill-ġdid li, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħa attiva u diretta tal-Parlament fl-iffurmar, ir-reviżjoni u t-titjib tal-leġiżlazzjoni tal-UE se tiżdied ħafna; jinnota, barra minn hekk, li t-tisħiħ tar-rwol tal-parlamenti nazzjonali għandu jiġi kkunsidrat;

26.

Jinnota li m’hemmx entità unika responsabbli sabiex issegwi l-ilmenti taċ-ċittadini mill-bidu sal-aħħar minħabba li dawn jiġu sottomessi permezz ta’ diversi mezzi; jitlob għal aktar koordinazzoni fost l-entitajiet differenti involuti: dawk li jirċievu kif ukoll dawk li jittrattaw l-ilmenti taċ-ċittadini;

27.

Jitlob lis-SOLVIT biex jinkludi, fis-sit elettroniku tiegħu, link għall-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament kif ukoll għall-Kumitati kkonċernati tal-parlamenti nazzjonali, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsiru konxji dwar id-dritt tagħhom li jibagħtu petizzjoni lill-Parlament bħala mezz li bih jiksbu rimedji li mhumiex ġudizzjarji kif ukoll soluzzjonijiet permezz tal-proċess politiku u leġiżlattiv;

28.

Jappoġġja, barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ sit elettroniku komuni tal-istituzzjonijiet Ewropej maħsub biex jgħin liċ-ċittadini u jirriferihom b’mod dirett lill-istituzzjoni jew lill-entità kompetenti biex jittrattaw l-ilment tagħhom;

29.

Jistieden lill-Membri tal-Parlament Ewropew ħalli jieħdu inizzjattivi biex jagħmlu sforzi ħalli jqajmu kuxjenza dwar is-SOLVIT fost il-mambri tal-parlamenti nazzjonali pereżempju billi jippreżentaw il-kisbiet tas-SOLVIt fil-laqgħat tal-COSAC; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali jinvolvu ruħhom iktar fil-promozzjoni tas-SOLVIT fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw seduta ta’ smiegħ maċ-ċentri tas-SOLVIT ħalli jiddeterminaw l-aqwa prattika u l-ostakli eżistenti fil-funzjonament taċ-ċentri bil-għan li l-amministrazzjoni u r-rutini tax-xogħol isiru iżjed effiċjenti;

30.

Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-persunal taċ-ċentri tas-SOLVIT, permezz tal-mezzi kollha disponibbli, inklużi arranġamenti ta’ finanzjament alternattiv, ħalli jibnu l-kapaċità amministrattiva fil-ministeri governattivi rispettivi b’mod proporzjonat għall-popolazzjoni tal-pajjiż u skont l-għadd ta’ każijiet li ġew ittrattati fl-imgħoddi;

31.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jeżaminaw u janalizzaw flimkien il-kawżi tar-rati baxxi ta’ suċċess ta’ ċerti ċentri tas-SOLVIT, kif ukoll il-kawżi taż-żmien relattivament twil li jittieħed biex jiġu ttrattati l-każi, ħalli tiġi pprovduta informazzjoni siewja għat-tfassil ta’ strateġija aħjar għas-soluzzjoni tal-problemi għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji fis-suq intern;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq rapporti annwali dwar is-SOLVIT li jkun fihom ħafna iżjed tagħrif dettaljat u data statistika, li għandhom jippermettu wkoll li ssir valutazzjoni tal-effikaċja ta’ kull ċentru nazzjonali, minħabba li nkella jkun diffiċli li jsiru valutazzjonijiet fit-tul tax-xejriet u li jiġu proposti miżuri b’miri speċifiċi bil-għan li jsir titjib fis-sitwazzjoni fl-Istati Membri individwali;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq portal tal-Internet uniku għaċ-ċentri kollha tas-SOLVIT b’indirizz li jkun jista’ jinstab b’mod kemm jista’ jkun faċli (www.solvit.eu); huwa tal-fehma, fl-istess waqt, li titjib notevoli fil-viżibilità tan-netwerk tas-SOLVIT fuq l-Internet huwa essenzjali, u li għal dan il-għan, għandu jsir użu kemm mis-siti tan-netwerking soċjali u kemm mill-magni tat-tiftix;

34.

Iqis li, fid-dawl tal-għadd kbir ta’ każijiet li jinvolvu individwi u tar-rikonoxximent tal-kwalifiki u tal-intitolamenti soċjali jew ta’ residenza, in-netwerk SOLVIT għandu jikkopera b’mod ferm iżjed intensiv u għandu jwessa’ l-kampanji ta’ informazzjoni tiegħu sabiex jinkludi l-assoċjazzjonijiet ta’ persuni li jgħixu barra pajjiżhom u l-konsulati tal-Istati Membri;

35.

Iqis li, fid-dawl tal-għadd kbir ta’ każijiet li jinvolvu l-imprendituri, in-netwerk SOLVIT għandu jikkopera b’mod ferm iżjed intensiv u għandu jwessa’ l-kampanji ta’ informazzjoni tiegħu sabiex jinkludi l-assoċjazzjonijet Ewropej u nazzjonali tan-negozji, b’enfasi partikulari fuq l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni biex bħala kwistjoni ta’ prijorità tiffinalizza l-proġett tas-Servizzi ta’ Assistenza dwar is-Suq Uniku għas-simplifikazzjoni tal-informazzjoni, servizzi ta’ assistenza għall-għoti ta’ pariri u s-soluzzjoni ta’ problemi, u biex dawn isiru aktar aċċessibbli u iżjed effettivi;

37.

Jistieden lill-Ombudsman Ewropew biex jikkopera iżjed mill-qrib maċ-ċentri tas-SOLVIT, u biex bla dewmien u burokrazija jgħaddi liċ-ċentru tas-SOLVIT kompetenti dawk l-ilmenti li jaslulu u li ma jkunux jaqgħu fil-kompetenza tiegħu, meta l-ilmenti jkollhom x’jaqsmu mas-suq intern u jkunu jistgħu jaqgħu fl-ambitu tas-SOLVIT; Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi proċedura mħaffa ta’ ksur tat-Trattat jekk ilment tas-SOLVIT li ma jkunx ġie solvut juri, a prima facie, ksur tal-liġi Komunitarja;

*

* *

38.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  COM(2001)0702.

(2)  ĠU L 331, 15.12.2001, p. 79.

(3)  ĠU L 98, 16.4.2005, p. 47.

(4)  SEC(2005)0985.

(5)  SEC(2008)1882.

(6)  SEC(2009)1007.

(7)  ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 80.

(8)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0421.

(9)  SEC(2009)0142.

(10)  ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.

(11)  Dokument tal-Kunsill 13024/09.

(12)  SEC(2009)0881.

(13)  SEC(2009)0882.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/16


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008

P7_TA(2010)0050

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar ir-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008 (2009/2173(INI))

2010/C 349 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 107(3)(b) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-ex Artikolu 87(3)(b) u (c) tat-Trattat KE),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008 (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ir-Regolament KE) (3),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta’ Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (4),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal-31 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (5),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/842/KE tat-28 ta’ Novembru 2005 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 86(2) tat-Trattat KE rigward għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (6) (Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat lis-servizzi pubbliċi),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Diċembru 2008 bit-titolu “Ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja attwali: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa” (7),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2008 dwar qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (8),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Frar 2009 bit-titolu “Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE fejn tidħol imġiba abbużiva ta’ esklużività minn impriżi dominanti” (9),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2009 dwar it-trattament tal-assi mgħarrqa fis-settur bankarju tal-Komunità (10),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Lulju 2009 dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (11),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Awwissu 2009 dwar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fejn jidħlu l-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali preżenti (2008/C 270/02) (12),

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2008 dwar azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (13) (White Paper dwar id-Danni) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta’ Marzu 2009 f’dan ir-rigward (14),

wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Kodiċi tal-Aħjar Prattika dwar il-mod kif jitmexxew il-proċeduri tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat (15), l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-Proċedura Simplifikata għat-Trattament ta’ ċerti tipi ta’ Għajnuna mill-Istat (16) u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat mill-qrati nazzjonali (17) (Pakkett ta’ Simplifikazzjoni),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (18),

wara li kkunsidra t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat għall-2008 u l-2009,

wara li kkunsidra r-reviżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Awwissu 2009 tal-iskemi ta’ garanzija u ta’ rikapitalizzazzjoni fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Frar 2005 dwar Għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għal servizzi pubbliċi (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009 dwar ir-Rapporti tal-Politika dwar il-Kompetizzjoni għall-2006 u l-2007 (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa (21),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni miktuba tal-Parlament tad-19 ta’ Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedji għall-abbuż ta’ poter mis-supermarkets il-kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea (22),

wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat dwar is-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumaturi (A7–0025/2010),

A.

billi ċ-ċirkustanzi ekonomiċi eċċezzjonali ta’ dawn l-aħħar sentejn qajmu l-ħtieġa għal miżuri eċċezzjonali,

B.

billi l-Unjoni Ewropea ħadet il-pass, li qatt ma sar qabel, li tirrikorri għall-Artikolu 107(3)(b) u (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

C.

billi, fi żminijiet ta’ kriżi, swieq li jaħdmu sewwa huma essenzjali, u r-regoli dwar il-kompetizzjoni għandhom jiġu applikati b'mod flessibbli imma strett,

D.

billi l-protezzjoniżmu u t-tagħwiġ tal-kompetizzjoni jservu biss biex japprofondixxu l-kriżi u jtawluha,

E.

billi l-iżbilanċi tal-baġit u d-djun pubbliċi li qed jikbru f'bosta Stati Membri jistgħu jkomplu jżommu lura l-pass tal-irkupru ekonomiku u tat-tkabbir ekonomiku għal snin sħaħ, u possibilment għal għexieren ta’ snin,

F.

billi l-gvernijiet ta’ Stati Membri taw garanziji fuq il-finanzjament bankarju b'rispons għall-kriżi finanzjarja minn Ottubru 2008 'l hawn; billi l-ħruġ ta’ bonds garantiti kien imdaqqas u pprovda lill-banek sors sinifikanti ta’ finanzjament u assigurazzjoni kontra r-riskji ffaċċati mis-sistema finanzjarja,

G.

billi l-analiżijiet empiriċi jissuġġerixxu li l-garanziji mogħtija mill-gvernijiet ta’ Stati Membri ġġeneraw għadd ta’ effetti u tagħwiġ, bħalma huwa tnaqqis tal-marġni tal-bonds privati, li jeħtieġ li jitqiesu meta tiġi kkunsidrata l-estensjoni tagħhom fl-2010,

H.

billi l-kapaċità ta’ kumpaniji transnazzjonali li jagħmlu użu estensiv ta’ refuġji tat-taxxa u ta’ ċentri offshore bħala parti mill-istrateġiji tagħhom biex jevitaw it-taxxa tmur kontra l-prinċipju ta’ kompetizzjoni ġusta,

I.

billi l-governanza fiskali hija fattur importanti għaż-żamma ta’ kundizzjonijiet favorevoli għall-kompetizzjoni ġusta, u għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern,

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Jilqa’ r-Rapport dwar il-Politika dwar il-Kompetizzjoni 2008, partikolarment il-kapitolu ta’ approfondiment tiegħu dwar il-kartelli u l-konsumaturi; jappoġġa l-ħolqien tal-Unità għall-Kuntatt mal-Konsumaturi; jinnota li l-eżistenza ta’ kartelli hija ta’ ħsara għall-konsumaturi; jiddispjaċih mid-diffikultajiet li qed ikollhom il-konsumaturi biex igawdu l-benefiċċji tal-kompetizzjoni;

2.

Jenfasizza li l-kartelli huma fost l-aktar vjolazzjonijiet serji tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni, iħarbtu l-katina tal-valur, jagħmlu ħsara lill-konsumaturi u għandhom effett ħażin ħafna fuq l-ekonomija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm l-infurzar qawwi tagħha biex tipprevjeni l-kartelli u taġixxi kontrihom; jilqa' strumenti bħall-pakkett għar-risolviment, li jippermetti lill-Kummissjoni tirrisolvi każijiet ta’ kartelli permezz ta’ proċedura simplifikata fejn il-kumpaniji, wara li jkunu raw l-evidenza, jagħżlu li jirrikonoxxu l-involviment tagħhom fil-kartell u l-multa imposta fuq il-partijiet titnaqqas; ifakkar li l-politika tal-kompetizzjoni u l-infurzar komprensiv tar-regoli tal-kompetizzjoni huma essenzjali għal swieq interni Ewropej li jiffunzjonaw tajjeb u li jkunu kompetittivi, b'titjib tal-effiċjenza, l-eċċellenza intraprenditorjali u l-protezzjoni tal-konsumaturi; huwa tal-fehma, b'mod partikulari, li l-ġlieda kontra l-akkordji hija ċentrali biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jgawdu minn sistema ta’ kompetizzjoni permezz ta’ prezzijiet orħos u għażla usa ta’ prodotti u servizzi;

3.

Jitlob li jkun involut fuq bażi wiesgħa fit-tfassil tal-politika dwar il-kompetizzjoni, fost l-oħrajn permezz ta’ rwol koleġiżlattiv u rekwiżit li l-Parlament jitgħarraf regolarment dwar kwalunkwe inizjattiva f'dak il-qasam;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew matul is-sena 2010 dwar il-mod kif biħsiebha ssarraf fil-qasam tal-kompetizzjoni d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti rapport dettaljat u kull sena lill-Parlament dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu u biex tispjega kull diverġenza mir-rakkomandazzjonijiet li jkun għamel il-Parlament;

6.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għal djalogu stabbli u permanenti mal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi biex jiġu identifikati problemi li jikkonċernaw il-kompetizzjoni u l-prijoritajiet tal-infurzar; jitlob rapport sħiħ dwar l-attivitajiet tal-Unità għall-Kuntatt mal-Konsumaturi tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni;

7.

Isejjaħ biex il-Kummissjoni tqiegħed għad dispożizzjoni tal-pubbliku l-valutazzjonijiet u l-istudji kollha msemmija fir-rapporti annwali tagħha dwar il-kompetizzjoni, u biex tagħmel użu minn nies esperti indipendenti u affidabbli għal dawk il-valutazzjonjiet u studji;

8.

Ifakkar fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħmel reviżjoni urġenti tar-riżorsi tal-istaff fid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni u tiżgura li r-riżorsi allokati jissodisfaw ix-xogħol li dejjem qed jiżdied;

9.

Jenfasizza l-bżonn ta’ regoli tal-kompetizzjoni ċari, robusti u li jirrispettaw lill-SMEs ibbażati fuq il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” li hu msejjes fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa;

10.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-rapport li jmiss, tinkludi kapitolu ta’ approfondiment dedikat għall-SMEs u l-kompetizzjoni; josserva l-ispiża għolja marbuta mas-sistema tal-privattivi għall-SMEs, partikolarment minħabba t-theddida ta’ litigazzjoni minn entitajiet mhux prattikanti; jiġbed l-attenzjoni għall-innovazzjoni miftuħa u għall-ġabriet ta’għerf aċċessibbli għal kulħadd (knowledge commons); jistieden lill-SMEs biex jisfruttaw ir-riżultati tas-Seba’ Programm ta’ Qafas f’sitwazzjoni ta’ aċċess miftuħ;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu tal-Artikolu 12 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-ex Artikolu 153(2) tat-Trattat KE), li jiddikjara b'mod ċar li “l-ħtiġiet tal-protezzjoni tal-konsumatur għandhom jitqiesu fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni”, bħala bażi legali għal-leġiżlazzjoni tas-suq intern fil-ġejjieni;

12.

Jistaqsi lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet;

13.

Jikkunsidra b'mod pożittiv il-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE fejn tidħol imġiba abbużiva ta’ esklużività minn impriżi dominanti”; hu tal-fehma li l-Gwida hija pass 'il quddiem minħabba li tfisser aktar trasparenza u prevedibbiltà dwar intervent possibbli tal-Kumissjoni, imma ma għandha qatt tillimita jew tirrestrinġi l-kapaċità tal-Kummissjoni li taġixxi f'dak il-qasam taħt dak li llum huwa t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

14.

Jenfasizza li fl-2008, għall-ewwel darba fl-istorja tal-politika ta’ kompetizzjoni tal-UE, ġew imposti multi koerċiżivi minħabba nuqqas ta’ konformità ma' deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni;

Għajnuna mill-Istat

15.

Jenfasizza li huwa importanti li l-Kummissjoni tissorvelja l-użu tal-għajnuna mill-Istat sabiex jiġi żgurat li dawn l-arranġamenti ta’ appoġġ ma jintużawx biex jipproteġu l-industriji nazzjonali b'mod li jagħmel ħsara lis-suq intern u lill-konsumaturi Ewropej;

16.

Għalhekk iqis li huwa essenzjali li meta ssir l-evalwazzjoni ta’ jekk l-għajnuna mill-istat tkunx kompatibbli mat-Trattat, jinstab bilanċ ġust bejn l-effetti negattivi tal-għajnuna mill-istat fuq il-kompetizzjoni u l-finanzi pubbliċi u l-effetti pożittivi f’termini tal-interessi komuni;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa d-dimensjoni esterna tal-effetti tar-regoli bankarji previsti, partikolarment fuq il-kompetittività tal-banek Ewropej;

18.

Huwa tal-fehma li politiki ta’ għajnuna mill-istat meħuda f'relazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji u l-proċess tal-irkupru ekonomiku għenu biex jistabbilizzaw is-suq finanzjarju u biex jittrattaw l-effetti tan-nixfa tal-kreditu fuq l-ekonomija reali;

19.

Jinnota li l-politika dwar l-għajnuna mill-istat hija parti integrali mill-politika ta’ kompetizzjoni u li l-kontroll tal-għajnuna mill-istat jirrifletti l-ħtieġa li jinżammu kundizzjonijiet ugwali għall-impriżi kollha li jkunu qed iwettqu attivitajiet fis-suq uniku Ewropew; f'dan il-kuntest, jistaqsi sa liema punt l-għajnuna mill-istat mogħtija lis-suq finanzjarju kkawżat tagħwiġ tal-kompetizzjoni; jitlob li jsir rapport indipendenti dwar l-effetti potenzjali ta’ tagħwiġ li intervent mill-Istat jista’ jġib miegħu fis-settur finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni tagħti rapport dwar il-progress ta’ ristrutturar li sar mill-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat u biex tkun aktar ċara dwar il-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat u s-sanzjonijiet possibbli fin-nuqqas ta’ dan; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiċċara l-miżuri vinkolanti ta’ ristrutturar marbuta ma' effetti potenzjali ta’ tagħwiġ li jirriżultaw f'differenzi fil-kundizzjonijiet tal-pagamenti bejn l-Istati Membri; isejjaħ għal aktar ċarezza dwar il-kriterji għad-divestimenti u dwar l-impatt tagħhom fuq l-azjendi kkonċernati fi żmien medju;

20.

Huwa mħasseb dwar is-sussidji u t-tagħwiġ iġġenerati mill-garanziji dwar il-finanzjament tal-banek mogħtija mill-gvernijiet tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa l-ambitu tas-sussidji relatati mal-garanziji dwar il-finanzjament tal-banek u b'hekk tanalizza l-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-miżuri meħtieġa għall-korrezzjoni ta’ kwalunkwe tagħwiġ relatat ma' dawk il-garanziji;

21.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tinvestiga, bħala kwistjoni ta’ urġenza, għaliex l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-banek mhux qed tingħadda lill-ekonomija reali, u biex tieħu miżuri kontra dawk il-banek li sfaċċatament jonqsu jew jirrifjutaw li jgħaddu l-benefiċċji tal-għajnuna mill-Istat;

22.

Jinnota li l-Kummissjoni diġa bdiet il-proċess tal-irtirar tal-appoġġ mill-Istat u l-mandat tar-ristrutturar u d-diżinvestimenti; jirrikonoxxi li dawk il-proċessi jeħtiġilhom ikunu flessibbli biex jirnexxu; madankollu, jitlob li jkun hemm gwida mill-Kummissjoni dwar dawk il-proċessi; hu tal-fehma li l-interventi tal-Istat ma għandhomx idumu bla bżonn u li għandhom ikunu żviluppati mill-aktar fis strateġiji li bihom jiġi rtirat l-appoġġ;

23.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li l-istrateġiji ta’ ħruġ ikunu kkoordinati, b'mod partikolari rigward it-tneħħija gradwali tal-appoġġ għas-settur bankarju; jenfasizza li din il-koordinazzjoni hija essenzjali biex jiġi evitat kwalunkwe tagħwiġ tal-kompetizzjoni kkaġunat minn sitwazzjoni li fiha l-banek jistgħu sa ċertu punt ikunu ssussidjati f'dawk il-pajjiżi fejn jinżammu programmi ta’ appoġġ għall-banek b'kuntrast ma' pajjiżi fejn programmi bħal dawn jitneħħew gradwalment;

24.

Jemmen li s-sistema ta’ regoli tal-kompetizzjoni s’issa żammet sħiħ fid-diffikultajiet, iżda li l-kriżi ġabet magħha l-ħtieġa urġenti li jkun hemm qafas tal-UE għall-ġestjoni ta’ kriżijiet transkonfinali fis-settur finanzjarju, fosthom is-soluzzjoni għal dawk l-istituzzjonijiet meqjusa bħala “kbar wisq biex ifallu”, implimentazzjoni rapida u sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ta’ de Larosière, inklużi regolatur Ewropew uniku, fond ta’ garanzija tad-depożiti u fond ta’ salvataġġ mid-diffikultajiet jew sistema ekwivalenti;

25.

Jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta dwar il-miżuri nazzjonali ta’ għajnuna mill-Istat, id-differenzi bejn l-iskemi nazzjonali, l-effetti li jista’ jkollhom fuq it-tagħwiġ tal-kompetizzjoni u d-diverġenzi ekonomiċi li jistgħu jirriżultaw minnhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprepara proposti għal approċċ uniku Ewropew li jkun aktar koerenti;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-eżami tat-tirkib potenzjali bejn l-għajnuniet mill-Istat u strumenti Komunitarji oħra tat-tip tal-fondi strutturali u tal-fondi ta’ aġġustament għall-globalizzazzjoni, bil-għan li tiżgura l-koerenza tal-azzjonijiet tagħha;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tispjega xi kriterji se jintużaw fid-deċiżjoni dwar il-possibilità ta’ estensjoni tal-Qafas Temporanju Komunitarju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat;

28.

Jinsisti li l-għajnuna mill-Istat għandha tkun kompatibbli mal-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Lisbona-Göteborg u mal-pakkett klima-enerġija; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ineħħu s-sussidji dannużi li, inter alia, ikattru l-konsum jew il-produzzjoni tal-fjuwils fossili li jżidu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta’ serra; b'mod usa' jenfasizza l-ħtieġa li jsiru Valutazzjonijiet Strateġiċi tal-Impatt (SEAs) ta’ politiki u Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali (EIAs) ta’ proġetti previsti fl-ambitu tal-pakkett ta’ rkupru;

29.

Jilqa' l-linji gwida ġodda dwar l-għajnuniet mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali fi ħdan il-qafas tal-pakkett klima-enerġija li jdaħħal evalwazzjoni normalizzata għal kwistjonjiet żgħar u evalwazzjoni dettaljata għal kwistjonijiet sinifikanti;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-2010 tippubblika rapport komprensiv dwar l-effikaċja tal-għajnuna mill-Istat “għall-programm ta’ rkupru li jirrispetta l-ambjent” (li jikkawża qlib sostanzjali lejn is-sostenibbiltà, b'mod partikolari fis-settur tal-karozzi) u l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent;

31.

Jitlob li jkun hemm rappurtar simili dwar l-għajnuna mill-Istat mogħtija bħala appoġġ għall-SMEs, għat-taħriġ, għar-riċerka u l-iżvilupp u għall-innovazzjoni;

32.

Jissuġġerixxi li t-tneħħija gradwali tal-Qafas Temporanju Komunitarju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat ta’ appoġġ għall-finanzi fil-kriżi finanzjarja u ekonomika kurrenti għandha tqis il-qagħda ekonomika (it-tul ta’ żmien tal-irkupru u d-daqs tat-tnaqqis tal-PGD) tal-Istat Membru kkonċernat;

33.

Isejjaħ biex il-Kummissjoni ssostni, fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, l-isforzi tagħha biex tilħaq aktar trasparenza fir-rati tariffarji għall-operaturi tas-servizzi fissi u speċjalment għal dawk tas-servizzi mobbli;

34.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi investigata l-isfida li jirrappreżentaw ir-rifuġji fiskali u ċ-ċentri offshore fir-rigward, inter alia, tal-kompetizzjoni inġusta u l-istabbiltà finanzjarja;

35.

Itenni s-sejħa tiegħu biex tiddaħħal Bażi ta’ Taxxa Komuni u Konsolidata għall-Korporazzjonijiet;

36.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar ir-reviżjoni tagħha tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat għas-servizzi pubbliċi, li suppost ilha li saret mid-19 ta’ Diċembru 2008 u li issa għandha tqis id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona;

37.

Jinnota bi tħassib li l-irkupru tal-għajnuna illegali mill-Istat huwa proċess twil u diffiċli, u li numru żgħir ta’ Stati Membri huwa responsabbli għal kważi l-każijiet kollha pendenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tissikka l-proċeduri u biex tibqa' tagħmel pressjoni fuq l-Istati Membri, b'mod partikolari dawk li jiksru l-liġi ripetutament;

38.

Jitlob lill-Kummissjoni għal investigazzjoni eżawrjenti dwar l-użu ġeneralizzat u fuq skala kbira, min-naħa ta’ xi azjendi Ewropej, ta’ kuntratti ta’ xogħol temporanju u perjodi ta’ taħriġ bi ftit ħlas għal nies b'ħiliet kbar, bħala strateġija ekonomika abbużiva li tmur kontra l-prinċipju ta’ xogħol diċenti u li xxattar il-kompetizzjoni;

39.

Jisħaq li l-faċilitazzjoni tal-finanzjament ta’ kapital ta’ riskju għall-SMEs huwa essenzjali għall-promozzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta;

40.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa u tirrapporta dwar kemm, jekk huwa l-każ, l-iskemi ta’ appoġġ nazzjonali differenti fl-industrija tal-karozzi kkontribwew għal objettivi oħra tal-Komunità, b’mod partikolari teknoloġiji sostenibbli u li jirrispettaw l-ambjent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa l-kompetittività f’dan is-suq, b'mod partikolari r-relazzjoni bejn il-Manifatturi ta’ Tagħmir Oriġinali (OEMs) u l-ewwel u t-tieni saff ta’ fornituri;

41.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-Pakkett ta’ Simplifikazzjoni;

L-Antitrust

42.

Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-White Paper dwar azzjonijiet għad-danni għall-ksur tar-regoli dwar l-antitrust; jemmen li din hija rebħa għall-protezzjoni tal-konsumatur fi ħdan l-Unjoni Ewropea;

43.

Ifakkar li l-kartelli jagħmlu l-ħsara lill-ekonomija u jirrappreżentaw ksur mill-iktar serju tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni; jemmen li t-tali ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni jmur kontra l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni minħabba li jimplika li l-vantaġġi ta’ prezzijiet orħos b'riżultat tal-kompetizzjoni ma jkunux jistgħu jgħaddu għand il-konsumaturi; itenni, f'dan il-kuntest, li kwalunkwe proposta li għandha ssir dwar rimedju kollettiv jeħtiġilha tirrispetta l-fehma tal-Parlament espressa fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar proċeduri għad-danni għall-ksur tar-regoli tal-UE tal-antitrust, u jinsisti li jeħtieġ li l-Parlament ikun involut fl-adozzjoni ta’ att tali permezz tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni;

44.

jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina aktar l-inizjattivi tagħha bejn approċċ skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni u ieħor skont il-leġiżlazzjoni dwar il-konsumatur;

45.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni soda li ħadet il-Kummissjoni dwar l-imġiba antikompetittiva f'dawn l-aħħar snin, minħabba li tagħmel ħsara kbira lill-konsumaturi u lill-ekonomija; jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ wiesa' għall-politika tal-kompetizzjoni, u għal-leġittimità demokratika li tkun żgurata bl-involviment tal-Parlament Ewropew; jinsab imħasseb dwar l-użu ta’ multi ogħla minħabba li l-uniku strument jista’ jkun jaqta’ wisq, b'mod speċjali b'ħarsa lejn it-telf possibbli tal-impjiegi bħala riżultat li dawn ma jkunux jistgħu jitħallsu, u jitlob li jkun hemm żvilupp għal firxa usa' ta’ strumenti aktar sofistikati, li jinkludu kwistjonijiet bħal responsabilità individwali, it-trasparenza u r-responsabilità tan-negozji, proċeduri aktar qosra, id-dritt għad-difiża u proċess xieraq, mekkaniżmi biex tiġi żgurata operazzjoni effikaċi tal-applikazzjonijiet għall-klemenza (b'mod partikulari biex tingħeleb l-interferenza kkawżata minn proċessi ta’ skopertura fl-Istati Uniti), programmi ta’ konformità tal-kumpaniji u l-iżvilupp tal-istandards Ewropej; jippreferi l-approċċ “tal-inċentiv u l-kastig”, b'pieni li jservu bħala deterrent effikaċi, b'mod partikulari għal dawk li jiksru l-liġi ripetutament, filwaqt li jħeġġeġ il-konformità;

46.

Huwa tal-fehma li meta l-istess kumpanija tikser il-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni diversi drabi, miżuri aktar qawwija ta’ deterrenza jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-regoli antitrust għal każijiet ta’ kartelli jew biex jiġu miġġielda l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintroduċu l-prinċipju tar-responsabbiltà individwali;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra r-rwol ta’ programmi ta’ konformità bħala strument fil-ġlieda kontra l-imġiba antikompetittiva;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi kriterji speċifiċi li permezz tagħhom l-impriżi għandhom jitqiesu li jkunu aġixxew intenzjonalment jew b'negliġenza;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi kriterji speċifiċi li permezz tagħhom il-kumpaniji possedenti għandhom jinżammu responsabbli in solidum għall-aġir tas-sussidjarji tagħhom li jixbah dak f'kartell;

51.

Jinnota li l-multi sproporzjonati jolqtu aktar ħażin lill-SMEs milli lill-kumpaniji l-kbar;

52.

Iħoss li l-multi għandhom ikunu fi proporzjon mal-ksur; jipproponi wkoll li, f'ċirkostanzi f'lokhom, meta tiġi kkalkulata l-multa għandhom jitqiesu dawk l-ammonti rilevanti li jkunu tħallsu bħala kumpens; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-bażi għall-kalkolu tal-multi u, jekk dan ikun f'loku, sabiex tinkorpora l-prinċipji l-ġodda tal-impożizzjoni tal-multi fir-Regolament (KE) Nru 1/2003;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi uffiċċju uniku għall-applikazzjonijiet għall-klemenza;

54.

Jitlob li jkun infurmat u kkonsultat kif jixraq dwar kull emenda fir-Regolament dwar l-Eżenzjoni Sħiħa għall-Vetturi bil-Mutur, f'perjodu ta’ żmien li jippermetti lill-Parlament jistudja l-emenda bir-reqqa u jagħti l-kontribut sħiħ tiegħu, bil-kunsiderazzjoni tal-ħtieġa urġenti li s-settur jingħata xefaq previdibbli li jħallih jieħu l-miżuri adegwati;

55.

Jenfasizza l-bżonn ta’ kooperazzjoni effikaċi mal-Parlament, kif ukoll mal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tan-negozji ż-żgħar, li tikkonċerna kwalunkwe emenda tar-Regolament għall-Eżenzjoni skont il-Kategorija applikabbli għall-Ftehimiet Vertikali; jenfasizza li qafas regolatorju li jinkoraġġixxi azzjoni koeżiva minn diversi operaturi tas-suq huwa l-aħjar mod biex jiġi indirizzat id-detriment potenzjali lill-konsumaturi kkawżat minn nuqqas ta’ għażla;

56.

Ifakkar fit-talba li jsir skrutinju xieraq, inkluż seduta ta’ smigħ fil-Parlament tal-organizzazzjonijiet tal-utenti finali, tal-Abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni dwar Eżenzjoni skont il-Kategorija għall-Vetturi bil-Mutur u l-Linji Gwida tal-Abbozz Preliminari; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura regoli ta’ evidenza ġejjiena mill-1 ta’ Ġunju 2010 ’l quddiem;

57.

Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal qafas regolatorju aktar strett għas-servizzi ta’ wara x-xiri, sabiex jitnaqqas il-livell għoli tan-nefqa tal-konsumatur fuq it-tiswija u l-manutenzjoni kkawżat minn prattiki li jikkawżaw id-distorsjoni bħalma huma l-esklużjoni ta’ fornituri tas-servizz indipendenti;

58.

Jistenna li l-interessi tal-bejjiegħa żgħar u medji tal-karozzi jitqiesu adegwatament f'oqfsa futuri tal-kompetizzjoni għas-settur awtomottiv; huwa tal-fehma li jekk dan ma jsirx, ir-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali għas-settur awtomottiv fil-forma attwali tiegħu jkollu jiġi estiż;

59.

Jitlob li jkun ikkonsultat dwar kull emenda proposta għar-Regolament dwar l-Eżenzjoni Sħiħa għall-Vetturi bil-Mutur applikabbli għal Ftehimiet Vertikali, f'perjodu ta’ żmien li jippermetti lill-Parlament jagħmel skrutinju bir-reqqa u jagħti l-kontribut sħiħ tiegħu;

Kontroll tal-merġers

60.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-għan li jkun hemm aktar titjib fil-mekkaniżmi ta’ riferiment u aktar konsistenza fl-evalwazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ merġers li jkunu jistgħu jitqabblu, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tirrevedi l-effetti tar-regola taż-żewġ terzi;

61.

Jilqa' r-reviżjoni tal-avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 u skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004, li jikkodifika sentenzi riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, iqis il-konklużjonijiet tal-Istudju dwar ir-Rimedji, u jindirizza l-punti mqajma matul il-konsultazzjoni pubblika;

62.

Jitlob lill-Kummissjoni tfassal rapport għal kull pajjiż dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet, li jippermetti li l-konsiderazzjonijiet ta’ politika pubblika jieħdu preċedenza fuq il-konsiderazzjonijiet tal-kompetizzjoni;

63.

Jenfasizza li l-kriżi ekonomika attwali ma tiġġustifikax l-illaxkar tal-politiki tal-UE dwar il-kontroll tal-merġers;

Inkjesti fis-settur

64.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-kriterji applikabbli biex ikunu jistgħu jsiru inkjesti fis-settur; hu tal-fehma li l-Kummissjoni m'għandhiex taġixxi biss fuq l-ilmenti tal-industrija jew tal-konsumaturi, iżda wkoll fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga s-sehem tal-marġni fil-ktajjen tal-produzzjoni u tad-distribuzzjoni f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-26 ta’ Marzu 2009 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa; jitlob lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri xierqa, fosthom regolamenti, biex jitħarsu l-konsumaturi, il-ħaddiema u l-produtturi minn kull abbuż li joħroġ minn xi pożizzjoni dominanti jew minn effetti negattivi li jiġu identifikati matul dik l-investigazzjoni;

66.

Itenni, f'dan il-kuntest, it-talbiet li kien għamel għal inkjesti fis-setturi tar-reklamar onlajn u r-relazzjonijiet bejn il-produtturi agrikoli (b'mod partikolari tal-prodotti tal-ħalib), ix-xerrejja intermedjarji, id-distributuri ewlenin u l-konsumaturi finali; jitlob li ssir inkjesta dwar il-konċentrazzjonijiet tal-midja, fosthom il-mezzi kollha għad-distribuzzjoni tal-kontenut, bħall-istampa, it-televiżjoni u r-radju, u l-internet; jitlob li l-Kummissjoni tippreżenta analiżi tal-kompetizzjoni fis-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, il-karozzi u s-servizzi finanzjarji;

67.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ inkjesti f'setturi komprensivi u miżuri ta’ segwitu f'kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni (l-ECN) dwar l-industrija tal-ikel u, b'mod partikolari, dwar il-katina tad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-ħalib;

68.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tissorvelja l-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel fl-Unjoni Ewropea kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-industrija tal-ikel;

69.

Jenfasizza l-bżonn li tittejjeb il-kompetizzjoni fis-settur tal-farmaċewtika billi jittieħdu l-miżuri xierqa biex jiġu miġġielda dawk il-prattiki tal-impriżi tal-farmaċewtika li jistgħu jwasslu għad-dewmien jew it-twaqqif ta’ prodotti ġeneriċi milli jidħlu fis-suq, b'konformità mar-riżultati tal-indaġni settorjali mwettqa mid-DĠ Kompetizzjoni;

70.

Jilqa’ l-inkjesta tal-Kummissjoni fis-settur tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga kemm in-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura, partikolarment fl-interkonnessjonijiet tal-gass u l-elettriku, ifixkel il-kompetizzjoni; jinnota li s-sigurtà tal-provvista u l-kompetizzjoni effikaċi fis-suq tal-enerġija ma jistgħux jinkisbu mingħajr infrastruttura interkonnessa u funzjonali sew tal-enerġija;

71.

Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ kompetizzjoni fit-telekomunikazzjonijiet; jitlob li ssir inkjesta oħra fis-settur; jinsisti li l-Entità ta’ Regolaturi Ewropej għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) tinkoraġġixxi l-kompetizzjoni b'mod partikolari permezz ta’ analiżi pertinenti tas-suq; jinsisti għalhekk li s-segretarjat tiegħu jingħata riżorsi biżżejjed għal dan il-għan;

72.

Jiddeplora li l-Kummissjoni fir-rapport tagħha ma tittrattax, ħlief fuq fuq, il-kooperazzjoni interistituzzjonali mal-Parlament u ma tirrispondix it-talbiet li ġejjin imfassla mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2009:

analiżi ta’ prattiki abbużivi fis-settur tas-servizzi, li jistgħu jżommu lin-negozji ż-żgħar milli jkunu jistgħu jagħmlu offerti għal xogħol;

sorveljanza tal-aġir kompetittiv tas-swieq tal-fjuwils fl-Unjoni Ewropea;

talba għal miżuri li jiffavorixxu l-kompetizzjoni tariffarja aktar minn miżuri li jirregolaw il-prezzijiet bl-imnut fis-settur tat-telekomunikazzjoni;

73.

Itenni t-talba tiegħu li ssir inkjesta dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, u jekk id-differenzi nazzjonali jwasslux għal tagħwiġ fil-kompetizzjoni;

*

* *

74.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  COM(2009)0374.

(2)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 336, 29.12.1999, p. 21.

(5)  ĠU L 203, 1.8.2002, p. 30.

(6)  ĠU L 312, 29.11.2005, p. 67.

(7)  ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2.

(8)  ĠU C 16, 22.1.2009, p. 1.

(9)  ĠU C 45, 24.2.2009, p. 7.

(10)  ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1.

(11)  ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9.

(12)  ĠU C 270, 25.10.2008, p. 8.

(13)  COM(2008)0165.

(14)  Testi adottati, P6_TA(2009)0187.

(15)  ĠU C 136, 16.6.2009, p. 13.

(16)  ĠU C 136, 16.6.2009, p. 3.

(17)  ĠU C 85, 9.4.2009, p. 1.

(18)  ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(19)  Testi adottati, P6_TA(2005)0033.

(20)  Testi adottati, P6_TA(2009)0099.

(21)  Testi adottati, P6_TA(2009)0191.

(22)  ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 23.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/25


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern

P7_TA(2010)0051

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern (2009/2141(INI))

2010/C 349 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta' Ġunju 2009 dwar miżuri għat-titjib fil-funzjonament tas-suq uniku (1),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta' Lulju 2004 dwar it-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta' Direttivi li jolqtu s-suq intern (2),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern (SEC(2009)1007,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal- 4 ta' Settembru 2007 dwar ir-Reviżjoni tas-Suq Uniku: negħlbu x-xkiel u l-ineffiċjenzi permezz ta' implimentazzjoni u infurzar aħjar (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat- 23 ta' Settembru 2008 dwar it-Tabella ta' Evalwazzjoni tas-Suq Intern (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad- 9 ta' Lulju 2008 dwar l-irwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarja Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill (Kompetittività - Suq Intern, Industrija u Riċerka) tal- 24 ta' Settembru 2009 bit-titolu “Kif nistgħu Inħaddmu s-Suq Intern aħjar” (6),

wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (A7-0084/2009),

A.

billi suq intern li jiffunzjona b'mod effettiv huwa imperattiv għall-ħolqien ta' ambjent ekonomiku stabbli u innovattiv li fih il-konsumaturi jistgħu jixtru prodotti u servizzi ta' kwalità tajba u n-negozji jistgħu joħolqu impjiegi ġodda,

B.

billi, minkejja li s-suq intern għamel passi kbar 'il quddiem, għad baqa' ħafna xogħol x'isir sabiex jiġi żgurat li dan jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu,

C.

billi s-suq intern ma jistax jiffunzjona sew mingħajr it-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar korretti tar-regoli Komunitarji li jeffettwaw il-funzjonament tiegħu,

D.

billi huwa imperattiv li l-Istati Membri jittrasponu fil-ħin il-leġiżlazzjoni tas-suq intern,

E.

billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jistgħu jagħtu kontribut attiv għal traspożizzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern billi jkomplu jaħdmu flimkien mill-qrib waqt il-proċess tan-negozjar u ta' traspożizzjoni,

F.

billi r-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri għandhom jiltaqgħu fuq bażi regolari sabiex jevalwaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern,

G.

billi l-pubblikazzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tista' tgħin biex jitnaqqas id-defiċit ta' traspożizzjoni, iżda jeħtieġ jittieħed approċċ aktar kwalitattiv immirat li jħares lil hinn mill-figuri u jidentifika r-raġunijiet għal dan id-defiċit,

H.

billi għalkemm jintużaw metodoloġiji differenti għat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern u t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur, b'kampijiet ta' applikazzjoni differenti u settijiet ta' indikaturi differenti, it-tnejn li huma għandhom l-għan ġenerali li jtejbu l-funzjoni tas-suq intern,

I.

billi d-defiċit medju attwali ta' 1 % jaqbel mal-mira ta' 1 % miftiehma mill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet fl-2007, iżda disa' Stati Membri għadhom ma laħqux din il-mira,

J.

billi l-fattur ta' frammentazzjoni huwa ta' 6 %, li jfisser li 100 direttiva ma kinux trasposti f'tal-anqas Stat Membru wieħed,

K.

billi l-iskadenza għat-traspożizzjoni ta' 22 direttiva għaddiet aktar minn sentejn ilu, u dan huwa ksur dirett tal-mira ta' ‧tolleranza zero‧ stipulata mill-Kapijiet tal-Istati u tal-Gvernijiet fl-2002,

L.

billi huwa partikolarment importanti li tiġi segwita t-traspożizzjoni ta' ċerti direttivi li huma kruċjali għall-iżvilupp tas-suq intern,

M.

billi informazzjoni aktar aċċessibbli pubblikament dwar liema direttivi ma ġewx trasposti mill-Istati Membri individwali tista' tkun siewja bħala mezz kif titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku ġenerali u biex issir pressjoni minn sħabhom, anke minn Membri tal-Parlament Ewropew fuq membri tal-parlamenti nazzjonali,

N.

billi l-każijiet kontinwi ta' nuqqas ta' traspożizzjoni jew traspożizzjoni inkorretta mhumiex neċessarjament ir-riżultat ta' nuqqas ta' rieda min-naħa tal-Istati Membri, iżda jistgħu jkunu dovuti għal nuqqas ta' ċarezza jew konsistenza fil-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE, u għaldaqstant huwa mixtieq li t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern mhux biss tkun mezz biex issir pressjoni fuq l-Istati Membri, iżda wkoll strument għal djalogu li jista' jtejjeb il-fehim tad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri meta jittrasponu l-leġiżlazzjoni,

O.

billi tinħtieġ aktar informazzjoni dwar il-kwalità tat-traspożizzjoni,

P.

billi, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu iċ-ċaqliqa ġenerali minn leġiżlazzjoni għal implimentazzjoni fir-rigward tas-suq intern, it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern għandha tipprovdi fuq bażi regolari informazzjoni aktar dettaljata dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern, inklużi indikaturi oġġettivi tal-funzjonament tas-suq intern, biex b'hekk tippermetti segwitu aħjar tal-prestazzjoni u tax-xejriet,

Q.

billi l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom jinfurmaw lill-kostitwenti tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern li teffettwahom u l-modi ta' kif jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom,

R.

billi x-xogħol tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur ipprovda informazzjoni siewja dwar l-implimentazzjoni, it-traspożizzjoni u l-infurzar ta' leġiżlazzjoni fundamentali tas-suq intern, permezz ta' rapporti fuq inizjattiva proprja, studji, workshops u seduti ta' smigħ, u se jkompli jagħmel dan fil-ġejjieni,

S.

billi t-taħriġ u l-iskambji transkonfinali, inter alia, permezz tan-netwerks elettroniċi li ħolqot il-Kummissjoni, huma essenzjali biex ikun hemm applikazzjoni aħjar tal-acquis Komunitarju dwar is-suq intern,

T.

billi ċ-ċittadini u n-negozji jiddependu fuq infurzar effettiv tar-regoli tas-suq intern biex jgħinhom jibbenefikaw bis-sħiħ mill-potenzjal tiegħu,

Daħla

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, imsemmija hawn fuq, dwar miżuri għal titjib fil-funzjonament tas-suq uniku; jenfasizza li l-Istati Membri m'għandhomx joqgħodu jagħżlu l-miżuri li jaqblulhom l-aktar, iżda jimpenjaw ruħhom li jimplimentawhom kollha;

2.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni u ma' xulxin, u biex iġorru s-sehem tagħhom tar-responsabiltà u tas-sjieda biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tuża l-poteri kollha tagħha sabiex tiżgura applikazzjoni effettiva tar-regoli tas-suq intern, inkluż monitoraġġ effettiv tas-suq, armonizzazzjoni, simplifikar ulterjuri tal-leġiżlazzjoni u għodda oħra sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq iċ-ċittadini u n-negozji;

3.

Hu tal-fehma li hu importanti li tittieħed azzjoni fi stadju bikri biex jiġi limitat ir-riskju ta' defiċit tat-traspożizzjoni u li l-Kummissjoni għandha tagħmel sforzi ikbar biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-perjodu ta' traspożizzjoni; hu tal-fehma li dan għandu jinvolvi b'mod partikolari djalogu u aktar skambji ta' informazzjoni, bil-għan li jiġu antiċipati l-problemi possibbli u tinstab soluzzjoni għalihom qabel tmiem l-iskadenza għat-traspożizzjoni;

4.

Jappoġġja partikolarment l-idea ta' involviment mill-qrib tal-parlamenti nazzjonali u koperazzjoni msaħħa ma' partijiet interessati oħra, bħall-imsieħba soċjali, waqt in-negozjati u l-proċess ta' traspożizzjoni;

5.

Jenfasizza l-importanza ta' djalogu miftuħ u koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew bil-għan li jkun hemm aktar diskussjoni u kunsiderazzjoni dettaljata tal-problemi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri waqt il-proċess ta' traspożizzjoni, minħabba li t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretta tad-direttivi fil-livell nazzjonali huma prekundizzjonijiet bażiċi għall-funzjonament effettiv tas-suq intern, il-kompetizzjoni u l-istabilità ekonomika u soċjali fl-UE;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex kull sena torganizza Forum tas-Suq Intern li jlaqqa' rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri u partijiet interessati oħra sabiex jiġi stabbilit impenn akbar għat-traspożizzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern;

7.

Jenfasizza li tali Forum tas-Suq Intern għandu jiltaqa' kemm fil-livell ta' grupp ta' ħidma kif ukoll fil-livell ministerjali biex jipprovdi pjattaforma importanti sabiex l-amministrazzjonijiet nazzjonali jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod regolari tinkludi fit-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tagħha, informazzjoni aktar dettaljata dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern, inklużi indikaturi oġġettivi tal-funzjonament tas-suq intern;

9.

Isejjaħ biex it-Tabella tas-Suq Intern, ir-Rapport SOLVIT, is-Servizz ta' Informazzjoni għaċ-Ċittadini u t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq tal-Konsumatur jiġu ppubblikati darba fis-sena fl-istess żmien (bla ma tinbidel il-frekwenza tal-pubblikazzjoni tagħhom) sabiex tiġi provduta stampa globali tal-iżvilupp tas-suq intern u biex jiġi kkoordinat aħjar ix-xogħol li diġà sar f'dawk l-oqsma filwaqt li tinżamm in-natura partikulari ta' dawk l-istrumenti;

10.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvestiga modi ġodda għall-eliminazzjoni tal-ostakoli li baqa' sabiex jitlesta s-suq intern, inkluż il-ħolqien ta' “test tas-suq intern” għal-leġiżlazzjoni ġdida kollha tal-UE li tiġi proposta, sabiex jiġi żgurat li l-miżuri ġodda proposti ma jdgħajfux is-suq intern;

11.

Iqis li t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern għandha elementi komuni importanti mar-reviżjoni annwali tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża r-reviżjoni annwali b'mod aktar strateġiku billi tiffoka fuq oqsma tal-politika vertikali li jistgħu jtejbu l-analiżi kwalitattiva tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex flimkien mat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tippreżenta stqarrija għall-istampa li tkun aktar faċli biex wieħed jaqraha biex tiżdied il-kuxjenza dwar ir-riżultati tagħha u tiżdied il-pressjoni fuq l-Istati Membri biex jiżguraw it-traspożizzjoni korretta u f'waqtha tad-direttivi;

Traspożizzjoni

13.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li d-defiċit ta' traspożizzjoni ta' 1,0 % inkiseb għat-tielet darba konsekuttiva; iħeġġeġ lid-disa' Stati Membri li naqsu milli jilħqu dan l-objettiv sabiex jaħdmu biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom;

14.

Iqis li hemm rabta ċara bejn it-traspożizzjoni f'waqtha u korretta tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern u l-kwalità tal-leġiżlazzjoni oriġinali; għaldaqstant jinnota l-importanza ta' xogħol upstream, inkluż impenn għall-konformità mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar, konsultazzjoni sħiħa mal-Istati Membri dwar il-metodi tat-traspożizzjoni u tal-infurzar, u l-ħtieġa ta' evalwazzjonijiet tal-impatt magħmula bir-reqqa u analiżi tal-każistika releventi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qabel ma tkun proposta leġiżlazzjoni ġdida;

15.

Ifakkar li l-għadd ta' direttivi li ma ġewx trasposti minn Stat Membru wieħed jew aktar għadu kbir wisq, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jaħdmu flimkien biex dan l-għadd jiċkien bħala kwistjoni urġenti, filwaqt li jibdew minn dawk id-direttivi li t-traspożizzjoni tagħhom qabżet l-iskadenza b'sentejn jew aktar;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata fuq is-sit elettroniku tagħha dwar id-direttivi li ma ġewx implimentati fl-Istati Membri individwali;

17.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jipprovdu l-Kummissjoni b'tabelli ta' korrelazzjoni li jinkludu fihom informazzjoni dettaljata dwar il-miżuri nazzjonali meħuda għat-traspożizzjoni tad-direttivi, sabiex din tkun tista' tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata dwar il-kwalità tat-traspożizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tidentifika l-aħjar prattiki ta' traspożizzjoni f'waqtha u korretta u sabiex tikkomunikahom lill-Istati Membri;

Applikazzjoni

18.

Iqis li l-Istati Membri għandhom itejbu l-koperazzjoni effiċjenti fost l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali involuti fl-applikazzjoni tar-regoli tas-suq intern billi jiżguraw u jsaħħu funzjoni ta' koordinazzjoni tas-suq intern fi ħdan l-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom;

19.

Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-ħaddiema taċ-ċivil u lill-awtoritajiet ġudizzjarji b'taħriġ regolari dwar ir-regoli interni tas-suq fil-qafas tal-programmi u tan-netwerks Komunitarji eżistenti;

20.

Hu tal-fehma, bħall-Kummissjoni, li l-Istati Membri jeħtieġ jiżguraw li n-netwerks transkonfinali tas-sistemi ta' informazzjoni elettroniċi stabbiliti mill-Kummissjoni (pereżempju s-Sistema ta' Informazzjoni dwar is-Suq Intern (Internal Market Information system - IMI), is-Sistema ta' Avviż Rapidu dwar prodotti perikolużi li mhumiex prodotti tal-ikel (Rapid alert system for non-food dangerous products - RAPEX), is-sistema ta' Avviż Rapidu għall-ikel u l-għalf (Rapid alert system for food and feed - RASFF) jew in-netwerk ta' Koperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumaturi (Consumer Protection Cooperation network - CPC) ikunu operattivi billi jittieħdu l-miżuri meħtieġa, inkluża l-allokazzjoni ta' riżorsi;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tqis il-leġiżlazzjoni tas-suq intern bħala proċess ċirkulari li fih l-evalwazzjonijiet ex-post għandhom ikunu parti importanti u għandhom jintużaw biex jistabbilixxu jekk il-leġiżlazzjoni tilħaqx jew tmurx lil hinn mill-evalwazzjoni oriġinali tal-impatt u jekk le, biex jidentifikaw kif għandha tiġi emendata jew imfassla mill-ġdid biex ikun żgurat li tilħaq l-għanijiet oriġinali tagħha;

Infurzar

22.

Hu tal-fehma li l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom li jipprovdu informazzjoni liċ-ċittadini u n-negozji dwar id-drittijiet tagħhom fis-suq intern, filwaqt li jippermettulhom li jeżerċitaw dawn id-drittijiet fil-prattika; jistieden lill-Kummissjoni sabiex bħala kwistjoni ta' prijorità, tiffinalizza l-proġett tas-Servizzi ta' Assistenza dwar is-Suq Uniku għar-razzjonalizzazzjoni tal-informazzjoni, servizzi ta' għoti ta' pariri u ta' assistenza għas-soluzzjoni ta' problemi, u biex dawn isiru aktar aċċessibbli;

23.

Hu tal-fehma li l-informazzjoni dwar is-suq intern li l-Kummissjoni tpoġġi fuq l-internet hi komprensiva iżda frammentata żżejjed; jistieden lill-Kummissjoni, bil-parteċipazzjoni tan-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi, sabiex tistabbilixxi u ssaħħaħ il-portal ‧Your Europe - Business‧ bħala one-stop-shop elettroniku għall-informazzjoni tan-negozju relatata mas-suq intern sabiex jiġu evitati strutturi paralleli mhux meħtieġa u li jiswew ħafna flus u sabiex jiġu sfruttati s-sinerġiji possibbli, b'mod partikolari b'konnessjoni mal-informazzjoni li għandha tiġi provduta skont id-Direttiva tas-Servizzi (7);

24.

Jenfasizza l-irwol ewlieni tan-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi biex jagħtu lok lill-SMEs li jagħmlu użu mill-opportunitajiet li joffrilhom is-suq intern; jenfasizza li l-obbligi burokratiċi jirrikjedu riżorsi importanti u għaldaqstant iżommu milli jkun hemm fokus aktar qawwi fuq il-ħidma ewlenija tan-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi li jipprovdi appoġġ imfassal apposta għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel aktar użu min-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi għad-distribuzzjoni mmirata ta' informazzjoni u sabiex tnaqqas il-burokrazija għall-imsieħba tan-Netwerk;

25.

Jemmen li l-Istati Membri għandhom, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, itejbu l-kapaċità tal-mekkaniżmi tar-riżoluzzjoni tal-problemi, b'mod partikolari tas-SOLVIT, biex jipprovdu rimedji aktar effettivi; jenfasizza li esperjenza mis-SOLVIT għandha tintuża fit-tfassil tal-politika nazzjonali u dik tal-UE, li jwassal għal tibdil strutturali jew regolatorju fejn ikun meħtieġ; jistieden lill-Istati Membri sabiex isaħħu aktar in-netwerks taċ-ċentri tas-SOLVIT billi jallokaw riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tagħmel iċ-ċentri Solvit u s-servizzi ta' soluzzjonijiet għall-problemi b'xejn li joffru aktar viżibbli għan-negozji u għaċ-ċittadini Ewropej;

*

* *

27.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 176, 7.7.2009, p. 17.

(2)  ĠU L 98, 16.4.2005, p, 47.

(3)  ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 80.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2008)0421.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2008)0352.

(6)  Dokument tal-Kunsill 13024/09.

(7)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010

22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/30


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
UE 2020 - Segwitu tal-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta’ Frar 2010

P7_TA(2010)0053

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar l-UE 2020

2010/C 349 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Kunsill Ewropew informali tal-11 ta’ Frar 2010,

wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni dwar l-UE 2020, u l-eżitu tagħha (SEC(2010)0116),

wara li kkunsidra l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija ta’ Lisbona (SEC(2010)0114),

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill Ewropew bl-isem “Seven steps to deliver on the European strategy for growth and jobs” (Seba' passi għat-twettiq tal-istrateġija Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi),

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-istrateġija UE 2020 għandha taqdi t-tkabbir ekonomiku u toħloq l-impjiegi, ġaladarba t-tnaqqis ta’ 4 % fil-PGD, rata anqas tal-produzzjoni industrijali u total ta’ aktar minn 23 miljun persuna qiegħda tirrappreżenta diżastru uman u ekonomiku,

B.

billi l-Istrateġija ta’ Lisbona ma tatx prestazzjoni tajba, minħabba struttura ta’ governanza dgħajfa, nuqqas ta’ responsabbiltà, objettiv kumpless ħafna b'wisq miri, għanijiet ambizzjużi ż-żejjed u nuqqas ta’ ċarezza, fokus u trasparenza, u billi għaldaqstant jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għall-istrateġija UE 2020 u l-miri u l-qafas li jmorru magħha,

Kummenti ġenerali

1.

Jemmen li l-istrateġija UE 2020 jeħtiġilha tipprovdi risposta effikaċi għall-kriżi ekonomika u finanzjarja, u tagħti ambizzjoni ġdida lill-koerenza Ewropea u lill-proċess ta’ rkupru tal-UE, bili timmobilizza u tikkoordina strumenti nazzjonali u Ewropej;

2.

Jilqa', ġaladarba wisq mill-miri Ewropej ma ntlaħqux taħt l-Istrateġija preċedenti ta’ Lisbona, id-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jiddefinixxi anqas objettivi, imma li jagħmilhom aktar ċari, realistiċi u kwantifikabbli;

Ekonomija tas-suq soċjali

3.

Jemmenli impjiegi sostenibbli, li jkopru l-popolazzjoi kollha u ta’ kwalita għolja, sew għall-irġirl kif ukoll għan-nisa, jirrappreżentaw mira importanti għall-UE, li tista' tintlaħaq biss jekk l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jimplimentaw ir-riformi meħtieġa;

4.

Jinnota li l-qgħad huwa kwistjoni tal-qofol fid-diskussjoni attwali fil-kuntest tal-kriżi; jemmen li, biex tindirizza l-qgħad għoli u li qed jikber, l-UE jeħtiġilha timplimenta aġenda soċjali ambizzjuża, inklużi sforzi biex tippromwovi ħajjiet itwal u aktar b'saħħithom, tiġġieled kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, tgħin lill-ħaddiema jikkombinaw l-impjieg mar-responsabbiltajiet tagħhom ta’ kura, tnaqqas ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola, trawwem it-tagħlim tul il-ħajja u tiġġieled kontra d-diskriminazzjni u tippromwovi l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sess, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tal-ħaddiema u kundizzjonijiet tajba tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-qgħad billi joħolqu aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u perjodi qosra ta’ xogħol fl-impriżi għaż-żgħażagħ, filwaqt li jitħarsu minn prattiki xejn ġusti ta’ tħaddim;

5.

Jenfasizza li, biex tindirizza qgħad għoli u li qed jikber, l-UE jeħtiġilha timplimenta aġenda soċjali ambizzjuża, flimkien ma’ strateġija qawwija ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u politika ta’ integrazzjoni;

6.

Jemmen li l-UE jeħtiġilha toħloq swieq inklussivi u kompetittivi tax-xogħol permezz tar-ristrutturar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-provvista ta’ aktar flessibbiltà għal min iħaddem, flimkien ma’ benefiċċji adegwati għal żminijiet qosra tal-qgħad u appoġġ għall-kapaċità li dak li jkun jerġa' jsib impjieg;

7.

Jistieden lill-UE biex tiffaċilita l-moviment ħieles taċ-ċittadini kollha, inklużi l-ħaddiema; il-professjonisti, in-nies tan-negozju, ir-riċerkaturi, l-istudenti u l-persuni rtirati;

8.

Iħeġġeġ lill-UE biex tesplora l-possibbiltà ta’ skemi Ewropej maħsuba biex jiffaċilitaw il-migrazzjoni tal-għarfien u jipprevjenu “ħrib tal-imħuħ” mill-Ewropa, jippromwovu l-eċċellenza u jiżviluppaw netwerk ta’ universitajiet ewlenin fil-livell internazzjonali; jemmen li l-ħolqien tal-“ħames libertà” tal-għarfien għandu jikkontribwixxi għal dan il-għan;

9.

Jiddispjaċih li ma ssemma xejn dwar is-settur agrikolu fil-proposti oriġinali għall-istrateġija UE 2020, minkejja l-potenzjal li għandha l-agrikoltura li tikkontribwixxi attivament għall-ilħliq tal-isfidi prinċipali quddiemna; huwa konvint li, bil-qafas ta’ politika korrett u b'riżorsi baġitarji adegwati, l-agrikoltura u l-forestrija jistgħu jkollhom rwol importanti fl-istrateġija komprensiva Ewropeamaħsuba biex tilħaq irkupru ekonomiku u l-miri klimatiċi, filwaqt li fl-istess waqt tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel tal-UE u tad-dinja, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi;

Governanza Ewropea qawwija għal Strateġija 2020 li tirnexxi

10.

Jemmen li l-istrateġija UE 2020 għandha tipprovdi approċċ ambizzjuż, aktar koerenti u bbażat fuq il-miri għal-kriżi ekonomika, b'tali mod li jiżgura aktar koerenza bejn strateġiji li jirkbu waħda fuq l-oħra, bħall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP), biex jgħin ħalli tinbena Ewropa ġusta, sostenibbli u prospera;

11.

Huwa tal-fehma li l-Istrateġija ta’ Lisbona ma rnexxietx minħabba nuqqas ta’ impenn u nuqqas ta’ sens ta’ sjieda mill-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni maqbula, flimkien mal-assenza ta’ inċentivi effikaċi u strumenti vinkolanti fil-livell tal-UE;

12.

Iħeġġeġ lil-Kunsill Ewropew biex jabbanduna “l-metodu ta’ koordinament miftuħ”, ibbażat fuq “l-iskambju tal-aqwa prattiki” u “l-pressjoni tal-pari” fil-qasam tal-politika ekonomika; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tuża d-dispożizzjonijiet kollha disponibbli fit-Trattat ta’ Lisbona, bħall-Artikoli 121, 122, 136, 172, 173 u 194, biex tikkoordina r-riformi ekonomiċi u l-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Istati Membri;

13.

Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tfassal tabella preċiża tal-ostakli u tipproponi azzjoni fuq dan l-elementi ewenin ta’ xkiel, bil-għan li tikkompleta s-suq intern;

14.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, tressaq miżuri ġodda bħal regolamenti u direttivi, u sanzjonijiet possibbli għal dawk l-Istati Membri li ma jimplimentawx l-istrateġija UE 2020 u inċentivi għal dawk li jimplimentawha;

15.

Ifakkar li sew il-Kummissjoni kif ukoll il-Kunsill Ewropew enfasizzaw ir-rwol kruċjali tal-Parlament fl-istrateġija UE 2020, u li għaldaqstant għandhom jirrispettaw il-prerogattivi tiegħu billi jressqu rakkomandazzjonijiet annwali ta’ politika lill-Parlament qabel ma l-Kunsill Ewropew jieħu deċiżjoni; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrikonoxxu r-rwol ewlieni tal-Parlament fl-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020; huwa tal-feham li jeħtieġ li jitfassal ftehim interistituzzjonali biex tiġi definita u formalizzata triq demokratika u effikaċi li teħodna 'l quddiem, li għandu jinkludi impenn mill-Kunsill li, fis-snin li ġejjin, ma jaqbilx dwar tibdiliet fl-istrateġija mingħajr ma l-ewwel jikkonsulta mal-Parlament;

16.

Jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni aħjar mal-parlamenti nazzjonali u mas-soċjetà ċivili; huwa tal-fehma li l-involviment ta’ aktar atturi se jqawwi l-pressjoni fuq l-amministrazzjonijet nazzjonali biex irendu r-riżultati;

17.

Huwa tal-fehma li l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, għandhom ifasslu pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali li jistipulaw valuri massimi u minimi għal ċerti aspetti makroekonomiċi tal-ekonomiji tagħhom;

18.

jinnota li l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri ġibdet il-kritika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jidhirlu li, ladarba l-Istati Membri jimmaniġġjaw 80 % tal-baġit tal-UE huma stess, il-Kummissjoni għandha tqegħidhom taħt aktar pressjoni biex jassumu r-responsabbiltà għall-infiq aktar korrett ta’ dawn il-fondi, u tikkunsidra penali finanzjarji jekk l-Istati Membri jirrifjutaw li jikkooperaw;

19.

Jemmen li l-Istati Membri għandhom jindikaw kif ikunu użaw fondi tal-UE biex jilħqu d-diversi miri tal-UE 2020, u li l-finanzjament tal-UE għandu jkun kundizzjonali fuq ir-riżultati u l-kompatibbiltà mal-objettivi tal-istrateġija UE 2020;

Il-ħarsien tas-saħħa tal-euro bit-tisħiħ tas-sorveljanza finanzjarja

20.

Jenfasizza li l-konsolidazzjoni tal-baġit u l-politiki ekonomiċi jeħtieġ li jkunu koordinati mill-qrib biex jiżdied it-tkabbir, jinħolqu l-impjiegi u tiġi żgurata l-istabbiltà tal-euro fil-ġejjieni; huwa tal-fehma li l-Istati Membri jeħtiġilhom jikkonformaw mal-kriterji tal-Patt Ewropew ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP), filwaqt li jilħqu bilanċ bejn it-tnaqqis tal-iżbilanċi nazzjonali, l-investimenti u l-ħtiġijiet soaċjali;

21.

Jemmen li l-fatt li bosta Stati Membri tal-UE fiż-żona tal-euro naqsu milli jirrispettaw l-SGP juri li jeħtieġ li l-pajjiżi fl-EMU jsaħħu l-koordinament ekonomiku bejniethom; jemmen li l-problemi fiż-żona tal-euro jirrikjedu soluzzjoni Ewropea, u jqis li mhuwiex tajjeb li m'hemm l-ebda mekkaniżmu biex jissalvagwardja l-istabbiltà tal-euro;

22.

Jinnota li attakki speulattivi fuq pajjiżi li qed jiffaċċaw diffikultajiet ekonomiċi jkomplu jgħarrqulhom il-problemi ekonomiċi u tassew jgħollilhom il-prezz li jeħtiġilhom iħallsu biex jissellfu l-flus;

23.

Jenfasizza l-ħtieġa għal superviżur Ewropew biex jiżgura sorveljanza effikaċi tas-superviżjoni mikro- u makroprudenzjali, biex b'hekk jipprevjeni kriżijiet fil-ġejjieni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata sistema bankarja Ewropea effiċjenti li tkun kapaċi tiffinanzja l-ekonomija reali u żżomm lill-Ewropa bħala ċentru finanzjarju u ekonomija fost l-aqwa fid-dinja; jenfasizza li s-superviżjoni ma tistax tibqa' biss kwistjoni nazzjonali, minħabba li s-swieq huma internazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji joperaw 'l hinn mill-fruntieri;

Il-liberazzjoni tal-potenzjal tas-suq intern Ewropew

24.

Jinnota li s-suq uniku jagħti kontribut kbir għall-prosperità tal-Ewropa, u jilqa' l-fatt li Mario Monti ingħata l-kompitu li jippropni ideat ġodda u bbilanċjati, bil-għan li jagħti spinta lis-suq komuni Ewropew; huwa tal-fehma li, ladarba s-suq intern huwa qasam ewlieni tal-istrateġija UE 2020, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom joħroġu bi proposti biex jikkompletaw is-suq intern;

25.

Jinnota li xi gvernijiet qed jipprattikaw il-protezzjoniżmu ekonomiku, u b'hekk qed jheddu li jħottu 50 sena ta’ integrazzjoni u solidarjetà ekonomika;

26.

Ifakkar lill-Istati Membri i jistgħ jużaw il-meotdu ta’ kooperazzjoi msaħħa fl-oqsma fejn in-negozjati ma jkunu sabu l-ebda żbokk;

27.

Jidhirlu li huwa essenzjali li s-suq intern tal-enerġija jiġi kkompletat biex niżguraw it-tkabbir ekonomiku, l-integrazzjoni ta’ enerġiji rinnovabbli u s-sigurtà tal-provvista; huwa tal-fehma li sorsi tal-enerġija sostenibbli u bi ftit karbonju għandhom jirrappreżentaw sehem sinifikanti tat-taħlita ta’ enerġji tal-UE;

28.

Jemmen li l-industrija Ewropea għandha tieħu vantaġġ mir-rwol ewlieni tagħha fl-ekonomija sostenibbli u fit-teknoloġiji ħodor tal-mobbiltà billi tisfrutta l-potenzjal tagħha għall-esportazzjoni; jidhirlu li, fl-istess waqt, dan inaqqas id-dipendenza fuq ir-riżorsi u jagħmilha eħfef li nżommu mal-miri meħtieġa 20-20-20 dwar it-tibdil fil-klima; jisħaq, madankollu, li l-ekonomija tal-UE jeħtiġilha biżżejjed materja prima ta’ teknoloġija avvanzata biex tkun tista' tilħaq din il-mira;

Promozzjoni tal-SMEs u tal-impjiegi

29.

Jemmen li l-Kummissjoni kellha tenfasizza aktar il-promozzjoni tal-impriżi żgħar u medji (SMEs) u l-appoġġ lejhom, minħabba li l-parti l-kbira tal-impjiegi jinħolqu f'dan is-settur u l-innovazzjoni u l-progerss teknoloġiku tiegħu għandhom rwol kruċjali biex jagħtu spinta lill-ekonomija tagħna; huwa tal-fehma li jeħtieġ li jsiru aktar proposti biex titnaqqas il-burokrazija u biex jinġiebu 'l quddiem l-ideat innovattivi,

30.

Jenfasizza li Att Dwar in-Negozji ż-Żgħar huwa l-ewwel pass, imma li għandna nkomplu nibnu fuqu b'mod aktar ambizzjuż; jidhirlu li l-prijorità għandha tingħata lil-leġiżlazzjoni favur l-SMEs, li tinkoraġġixxi l-intraprenditorija u li ttejjeb l-aċċess għall-finanzjamrnt;

31.

Jenfasizza li Strateġija 2020 li tirnexxi għandha tiffoka fuq il-promozzjoni tal-SMEs u l-impjiegi mhux biss fis-setturi tal-kummerċ u tas-servizzi, iżda wkoll f'dawk tal-industrija u tal-agrikoltura, billi dawn huma vitali għall-ekonomika tagħna tal-ġejjieni;

32.

Huwa tal-fehma li popolazzjoni Ewropea li qed tixjieħ tirrikjedi politiki tal-edukazzjni tul il-ħajja u età tal-irtirar aktar flessibbli (fejn l-impjegati jagħmlu din l-għażla), b'tali mod li għadd kbir biżżejjed ta’ nies attivi jibqgħu fis-suq tax-xogħol, u li tittejjeb l-inklużjoni soċjali tagħhom; jidhirlu li spiss jiġi ttraskurat il-potenzjal għall-impjiegi ta’ nies akbar fl-età u ta’ persuni b'diżabbiltà, u jistenna proposti bil-għan li jtejbulhom il-potenzjal tagħhom; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq strateġija biex tiġġieled kontra l-qgħad taż-żgħażagħ;

Baġit li jirrifletti tkabbir intelliġenti, inklussiv u sostenibbli bħala l-prijorità tas-seklu 21

33.

Hu tal-fehma li l-baġit kurrenti ma jirriflettix biżżejjed il-ħtiġijiet finanzjarji assoċjati mal-indirizzar tal-isfidi tas-seklu 21; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti ambizzjużi biex l-istrateġija UE 2020 tagħmilha suċċess;

34.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-istrateġija l-ġdida iżżomm il-mira li 3 % tal-PDG jintefaq fuq l-R&D – kif stipulat fl-Istrateġija ta’ Lisbona – kemm għall-baġit tal-UE kif ukoll għal dawk nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta biex ir-riċerka Ewropea tagħmilha aktar effiċjenti billi tissimplifika l-istrutturi eżistenti, taqta' l-burokrazija u toħloq klima aktar favur ir-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat; huwa tal-feham li, biex jintlaħaq trijangolu tal-għarfien li jaħdem, huwa essenzjali li l-edukazzjoni tittejjeb u li s-sistemi tal-innovazzjoni jsiru aktar strutturati u effiċjenti, filwaqt li fl-istess ħin jingħata appoġġ għat-teknoloġiji ewlenin ta’ aċċess; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aħjar mis-sinerġiji potenzjali bejn il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u dawk tal-R&D;

35.

Jemmen li l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp għandu jkollhom rwol akbar fl-appoġġ tal-investiment infrastrutturali, tat-teknoloġiji l-ħodor, tal-innovazzjoni u tal-SMEs;

36.

Jisħaq li l-innovazzjoni tibda b'edukazzjoni aħjar, u jħeġġeġ lill-Kummisjsoni biex tinkoraġġixi sħubijiet ġodda bejn in-negozju, ix-xjenza u r-riċerka universitarja;

37.

Jappella għall-adozzjoni ta’ appoċċ estiż għall-politika futura tal-innovazzjoni tal-UE; huwa tal-feham li teknoloġiji ewlenin ta’ aċċess għandhom jirċievu finanzjament adegwat biex f'dawn l-oqsma l-Ewropa tiġi minn ta’ quddiem nett fid-dinja;

38.

Iqis li s-settur tat-trasport huwa attur importanti fl-ilħiq tat-tkabbir sostenibbli previst fl-Istrateġija 2020 u li s-settur jikkontribwixxi b'mod notevoli għat-tkabbir ekonomiku meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-UE 2020; iqis li taħlita ta’ miżuri differenti bħat-taħlita tal-enerġiji, miżuri għall-formazzjoni tal-prezzijiet u approċċ realistiku għall-internalizzazzjoni ta’ spejjeż esterni huma importanti f'dan il-kuntest, u li dawn il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn miri aktar ċari u realistiċi li għandhom jiġu riveduti regolarment;

39.

Ifakkar li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija pilastru ewlieni tal-proġett Ewropew li bħalissa jinsab fil-periklu minħabba l-effetti tal-kriżi ekonomika; huwa tal-fehma li strateġija 2020 hija opportunità storika biex tinżamm u tissaħħaħ il-koeżjoni Ewropea, primarjament permezz ta’ politika ta’ koeżjoni trasparenti, simplifikata u intelliġenti li tkun protetta kontra li tiġi renazzjonalizzata, u pjan sostenibbli fit-tul għan-Netwerks Trans-Ewropej, għall-enerġija u għall-aċċess b'xejn u ekwu għall-ICT u l-broadband, biex in-nies – speċjalment iż-żgħażagħ – ikollhom kull lok jużaw it-teknoloġiji moderni tal-komunikazzjoni bil-faċilità kollha, filwaqt li fl-istess ħin jadottaw approċċ awtokritiku;

40.

Iqis li l-politika dwar l-industrija hija tassew importanti biex tiffaċilita t-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli; jidhirlu li l-UE għandha tippromwovi l-innovazzjoni bil-għan li tiżviluppa modi ta; produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u, fejn ikun meħtieġ, tippermetti kumpens temporanju għat-tħaddir tal-industrija Ewropea fil-kuntest tas-swieq globali;

41.

Jemmen li l-UE għandha tidħol għal proġetti ekonomiċi kbar, bħalma huma grid tal-enerġija verament Ewropea, l-ikkompletar sħiħ tal-proġett Galileou l-applikazzjoni wiesgħa tat-teknoloġija ħadra, inkluż it-tiġdid sistematiku tal-istokk tal-bini tal-UE, is-saħħa elettronika u t-titjib u l-aġġornament tal-infrastruttura tal-ICT;

42.

Jenfasizza li din ir-riżoluzzjoni jqisha bħala l-ewwel pass, u sejjer iressaq riżoluzzjoni aktar dettaljata dwar punti ta’ mblokk, problemi u proġetti ewlenin, fil-waqt għas-samit ta’ Ġunju;

*

* *

43.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/34


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta' Goldstone dwar l-Iżrael/il-Palestina

P7_TA(2010)0054

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet Goldstone dwar l-Iżrael/il-Palestina

2010/C 349 E/06

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom hija msejsa l-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-proċess tal-paċi fil-Lvant Nofsani adottati fit- 8 ta' Diċembru 2009,

wara li kkunsidra l-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tiftix tal-Fatti dwar il-Kunflitt ta' Gaża,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 64/10 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tal- 5 ta' Frar 2010 lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas- 26 ta' Frar 2010,

wara li kkunsidra l-fatt li l-Ħamas hija inkluża fil-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet terroristiċi,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-kunflitt armat f'Gaża li beda fis- 27 ta' Diċembru 2008 u spiċċa fit- 18 ta' Jannar 2009 ħalla aktar minn 1 400 Palestinjan u 13-il Iżraeljan mejta, u wassal għall-qerda konsiderevoli tal-infrastruttura ċivili,

B.

billi l-Assemblea Ġenerali tan-NU, fir-Riżoluzzjoni 64/10 tagħha tal- 5 ta' Novembru 2009, talbet li jsiru investigazzjonijiet miż-żewġ naħat li jkunu indipendenti, kredibbli u konformi mal-istandards internazzjonali,

C.

billi fit- 3 ta' Diċembru 2009 s-Segratarju Ġenerali tan-NU ġibed l-attenzjoni tal-partijiet kollha għad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Riżoluzzjoni 64/10 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, u talab li tingħata informazzjoni bil-miktub fi żmien tliet xhur rigward kwalunkwe passi li ħadu jew li kienu qegħdin jieħdu,

D.

billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, fid-dikjarazzjoni tiegħu tal- 4 ta' Frar 2010, stieden lill-partijiet kollha biex iwettqu investigazzjonijiet domestiċi kredibbli dwar il-kunflitt ta' Gaża,

E.

billi fir-riżoluzzjoni tagħha tas- 26 ta' Frar 2010 l-Assemblea Ġenerali tan-NU tenniet l-istedina tagħha kemm lill-Iżrael kif ukoll lin-naħa Palestinjana biex jagħmlu investigazzjonijiet kredibbli, u talbet aktar rapporti fi żmien ħames xhur,

F.

billi l-azzjoni tal-Unjoni dwar ix-xena internazzjonali jeħtiġilha tkun iggwidata minn rispett strett għall-prinċipji u l-objettivi tal-Karta tan-NU u għal-liġi internazzjonali; ifakkar li l-liġi internazzjonali timponi obbligi fuq l-Istati li għandhom jirrispettaw, jipproteġu u jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi internazzjonali umanitarja,

G.

billi l-Gvern tal-Iżrael jirrapporta li qiegħed jinvestiga 150 każ separat li ġraw matul l-operazzjoni f'Gaża,

H.

billi l-awtoritajiet Palestinjani stabbilixxew kummissjoni ta' investigazzjoni indipendenti fil- 25 ta' Jannar 2010,

I.

billi l-kriżi umanitarja fil-Medda ta' Gaża kompliet marret għall-agħar bħala konsegwenza tal-imblokk, li jmur kontra l-liġi internazzjonali umanitarja,

1.

Jerġa' jisħaq fuq l-importanza li tintlaħaq paċi ġusta u dejjiema fil-Lvant Nofsani, u b'mod partikulari bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jenfasizza li r-rispett għal-liġi internazzjonali umanitarja u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha u fi kwalunkwe ċirkustanza, kif ukoll il-bini tal-fiduċja bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, huma partijiet essenzjali minn proċess ta' paċi li jwassal għal żewġ stati li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà;

2.

Jerġa' jtenni s-sejħa tiegħu biex il-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Istati Membri jaħdmu biex tintlaħaq pożizzjoni komuni qawwija tal-UE dwar is-segwitu għar-rapport tal-missjoni għat-tiftix tal-fatti – immexxija mill-Imħallef Goldstone – dwar il-kunflitt f'Gaża u fin-Nofsinhar tal-Iżrael, u pubblikament jesiġi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha u r-responsabbiltà għal kull ksur tal-liġi internazzjonali, inklużi d-delitti tal-gwerra allegati;

3.

Iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex iwettqu investigazzjonijiet fi żmien 5 xhur li jissodisfaw standards internazzjonali ta' indipendenza, imparzjalità, trasparenza, prontezza u effikaċja, skont ir-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottati fil- 5 ta' Novembru 2009 u fis- 26 ta' Frar 2010; jisħaq li r-rispett għal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi internazzjonali umanitarja, mill-partijiet kollha u fiċ-ċirkostanzi kollha, huwa prekondizzjoni essenzjali sabiex jintlaħaq paċi ġust u dejjiemi fil-Lvant Nofsani;

4.

Itenni t-talba tiegħu lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentat Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri biex jissorveljaw attivament l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-Rapport Goldstone permezz ta' konsultazzjoni ma' missjonijiet esterni tal-UE u ma' NGOs fil-post; jitlob li dawn ir-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet relatati jiddaħħlu fid-djalogi tal-UE maż-żewġ naħat, kif ukoll f’fora multilaterali;

5.

Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tivvaluta s-sejbiet tal-investigazzjonijiet mill-partijiet kollha, u biex tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew dwar dawn il-valutazzjonijiet;

6.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-Assemblea Ġenerali tan-NU sabiex tkun żgurata r-responsabbiltà għall-vjolazzjonijiet kollha tal-liġi internazzjonali umanitarja u tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem matul il-kunflitt f'Gaża, u jħeġġiġha tissokta b'dawn l-isforzi;

7.

Jenfasizza li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa valur fundamentali sew fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi u partijiet terzi; jenfasizza wkoll li r-responsabbiltà u l-kredibbiltà tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha jirrikjedu monitoraġġ bis-sħiħ ta' dawn l-investigazzjonijiet;

8.

Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex iqisu l-eżiti tal-investigazzjonijiet ta' segwitu u tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Goldstone fir-rigward tal-partijiet kollha msemmija f'dak ir-rapport;

9.

Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet uffiċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-investigazzjonijiet ta' segwitu u fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Goldstone mill-partijiet kollha; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-presssjoni fuq NGOs involuti fit-tħejjija tar-Rapport Goldstone u fl-investigazzjonijiet ta' segwitu, u jistieden lill-awtoritajiet ta' kull naħa biex joqogħdu lura minn kwalunkwe miżura restrittiva rigward l-attivitajiet ta' dawn l-organizzazzjonijiet;

10.

Jagħraf l-issuktar tal-qagħda mwegħra tal-poplu ta' Gaża minħabba l-imblokk u jilqa' s-sejħa tal-Kunsill tat- 8 ta' Diċembru 2009 għal ftuħ immedjat, sostnut u mhux kundizzjonali tal-punti ta' qsim;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kwartett, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-Gvern u l-Parlament tal-Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/37


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
Is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-minoranzi nazzjonali fil-Bjelorussja

P7_TA(2010)0055

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili u l-minoranzi nazzjonali fil-Bjelorussja

2010/C 349 E/07

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Bjelorussja, b'mod partikolari dik tas- 17 ta' Diċembru 2009 (1),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Bjelorussja milħuqa mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni fil-laqgħa tiegħu tas- 17 ta' Novembru 2009, li kienu jinvolvu sospensjoni ulterjuri tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni tal-viża għal ċerti uffiċjali Bjelorussi, fosthom il-President Alexander Lukashenko, u l-estensjoni tal-miżuri restrittivi sa Ottubru 2010,

wara li kkunsidra l-eżitu tal-2996 laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tat- 22 ta' Frar 2010 u d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli, Lady Ashton, dwar is-sitwazzjoni tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja tas- 16 ta' Frar 2010,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar is-Sħubija tal-Lvant maħruġa mill-Kunsill Ewropew fid- 19 ta' Marzu 2009 u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħruġa fis-Samit tas-Sħubija tal-Lvant fi Praga fis- 7 ta' Mejju 2009,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tal- 1 ta' Frar 1995,

wara li kkunsidra l-prinċipji u l-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali, b'mod partikolari dawk li jinsabu fil-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, bħall-Att Finali ta' Ħelsinki tal- 1 ta' Awwissu 1975 (Taqsima 1.VII), id-Dokument tal-laqgħa ta' Kopenħagen dwar id-Dimensjoni Umana tad- 29 ta' Ġunju 1990 u l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida tal- 21 ta' Novembru 1990,

wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu dwar il-Bjelorussja tal- 24 ta' Frar 2010 u l-missjoni tad-delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew għall-Bjelorussja bejn il- 25 u s- 27 ta' Frar 2010 u l-konklużjonijiet tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, fil- 15 ta' Frar 2010, 40 attivist, il-biċċa l-kbira membri tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja, ġew arrestati fil-Bjelorussja, fosthom Angelika Borys (President tal-UPB), Igor Bancer (Kelliem tal-UPB), Mieczysław Jaśkiewicz (Viċi President), Andrzej Poczobut (President tal-Bord Superviżorju tal-UPB) u Anatol Lebedzka, il-mexxej tal-Partit Ċivili Magħqud fil-Bjelorussja fl-oppożizzjoni, biex dawn ma jitħallewx jipparteċipaw fil-proċess dwar il-Kamra Pollakka f’Ivyanets; billi sal-20 ta' Frar l-attivisti kollha nħelsu,

B.

billi l-UPB taħt il-Presidenza ta' Angelika Borys, li ġiet eletta demokratikament darbtejn fl-2005 u fl-2009, mhijiex rikonoxxuta mill-awtoritajiet tal-istat u ilha tħabbat wiċċha ma' persekuzzjoni u fastidju regolari mill-2005 u billi l-membri tagħha qed jiġu akkużati ripetutament b’attivitajiet illegali u qed jaffaċċaw akkużi kriminali,

C.

billi l-awtoritajiet Bjelorussi użaw il-forzi tal-pulizija kontra membri tal-UPB fi Hrodna fl-2005 u f'Ivyanets fl-2010,

D.

billi l-awtoritajiet Bjelorussi ma ħallewx rappreżentanti tal-UPB, li ssejħu biex jidhru quddiem il-qorti bħala xhieda għas-Sinjura Teresa Sobol, President tal-fergħa lokali tal-UPB f'Ivyanets, jattendu għall-ġuri,

E.

billi d-diskriminazzjoni kontra l-Unjoni tal-Pollakki, l-ikbar NGO li topera fil-Bjelorussja, li hija mmexxija minn Abgelika Borys, hija sintomatika tat-trattament ġenerali tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja,

F.

billi l-“Polonica”, kumpanija bbażata fi Hrodna mmexxija minn Angelika Borys, l-uniku sors ta' finanzjament tal-UPB, ġiet immultata 71 miljun rubil minħabba li allegatament kisret regolamenti fiskali u issa tinsab f’periklu ta' falliment,

G.

billi l-awtoritajiet Bjelorussi jqisu lil Stanislaw Siemaszko bħala l-mexxej leġittimu tal-Unjoni tal-Pollakki u ddikjaraw l-appoġġ tagħhom għall-organizzazzjoni taħt it-tmexxija tiegħu, meqjusa illeġittima mill-komunità Pollakka,

H.

billi r-rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet Ewropej, fosthom is-Sur Jerzy Buzek, President tal-Parlament Ewropew, il-Barunissa Ashton, Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u s-Sinjura Cecilia Malmström, Kummissarju għall-Affarijiet Interni, kif ukoll il-Parlament Pollakk u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Franċiż, esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-aħħar azzjonijiet tal-awtoritajiet Bjelorussi kontra l-UPB u kkundannaw l-użu tal-pulizija kontra l-membri tagħha,

I.

billi dawn l-azzjonijiet tal-awtoritajiet Bjelorussi jmorru kontra l-istandards internazzjonali ta' protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali stabbiliti, inter alia, fil-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Minoranzi Nazzjonali tal- 1 ta' Frar 1995, filwaqt li l-Bjelorussja kompliet tintensifika l-azzjonijiet tagħha kontra l-membri ta' din l-organizzazzjoni,

J.

billi d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Samit ta' Praga dwar is-Sħubija tal-Lvant, iffirmata b'mod konġunt mill-Bjelorussja, tiddikjara fil-paragrafu 1 li: “Il-parteċipanti tas-Samit ta' Praga jaqblu li s-Sħubija tal-Lvant għandha tkun imsejsa fuq l-impenn għall-prinċipji tal-liġi internazzjonali u għall-valuri fundamentali, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali”,

K.

billi l-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tas- 17 ta' Novembru 2009, irrikonoxxa li kienu nfetħu possibilitajiet ġodda għal djalogu u koperazzjoni aktar profonda bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bjelorussja, bil-għan li jitkattar il-progress ġenwin lejn id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u jirriafferma f'dan ir-rigward li kien lest isaħħaħ ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Bjelorussja, sakemm ikompli l-progress fid-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif ukoll li jgħin lill-pajjiż biex jintlaħqu dawn l-objettivi,

1.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward tal-ksur riċenti tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Bjelorussja kontra membri tas-soċjetà ċivili, speċjalment membri tal-Unjoni tal-Pollakki, u jiddikjara s-solidarjetà tiegħu maċ-ċittadini li ma jistgħux igawdu d-drittijiet ċivili kollha tagħhom;

2.

Jikkundanna l-azzjoni legali u tal-pulizija kontra l-Unjoni tal-Pollakki u kwalunkwe tentattiv mill-awtoritajiet Bjelorussji biex jimponu tmexxija ġdida fuq il-komunità Pollakka; jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet Bjelorussi jillegalizzaw mill-ġdid l-Unjoni tal-Pollakki fil-Bjelorussja (UPB) immexxija minn Angelika Borys, kif ukoll li jiżguraw li l-proprjetajiet tagħhom jintroddulhom fi żmien xieraq;

3.

Itenni li jinsab interessat fi djalogu miftuħ u strutturat mal-Bjelorussja, bil-kundizzjoni li d-demokratizzazzjoni tas-sistema politika fil-Bjelorussja twassal għal riżultati konkreti u tirrifletti r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

4.

Iħeġġeġ lill-Bjelorussja biex timxi skont l-impenji tal-OSKE u l-impenji internazzjonali tagħha f’termini ta' protezzjoni u promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi tagħha; fl-istess ħin jistieden lill-awtoritajiet biex itejbu l-kundizzjonijiet għall-funzjonament tas-soċjetà ċivili, speċjalment fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni u l-assemblea, is-sitwazzjoni tal-midja indipendenti, inkluż l-aċċess għall-internet, u r-reġistrazzjoni tal-NGOs, bil-għan li jitħejja u jitħalla jsir proċess elettorali ħieles u ġust għall-elezzjonijiet muniċipali fil- 25 ta' April 2010;

5.

Itenni t-talba tiegħu f'riżoluzzjonijiet riċenti, b'mod partikolari dawk tal- 15 ta' Jannar u tas- 17 ta' Diċembru 2009, għall-garanzija tal-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni u tal-libertà biex jitwaqqfu partiti politiċi bħad Demokrazija Kristjana Bjelorussa (BDC), il-libertà reliġjuża u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu għall-attività ta' entitajiet tas-soċjetà ċivili, NGOs (bħal “Viasna”) u l-midja indipendenti fil-Bjelorussja;

6.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Bjelorussi biex jeħilsu lil attivisti politiċi bħal Andrei Bandarenko u priġunieri tal-kuxjenza bħal Ivan Mikhailau u Aristyom Dubski, biex jirtiraw miżuri restrittivi kontra d-difensuri tas-soċjetà ċivili bħal Tatiana Shaputsko, parteċipanta fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili dwar is-Sħubija tal-Lvant, u biex joqogħdu lura milli jieħdu miżuri bil-għan li jikkontrollaw il-kontenut tas-siti Bjelorussi tal-World Wide Web;

7.

Jenfasizza li d-djalogu tal-UE mal-Bjelorussja jista' jkun ta' benefiċċju reċiproku u hu tal-fehma li l-Bjelorussja tista' tiġi megħjuna biex tikseb l-aħjar benefiċċji mis-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fl-użu l-aktar effikaċi ta' fondi allokati b'dan il-programm għall-infrastruttura, l-enerġija u proġetti soċjali, kif ukoll bl-applikazzjoni ta' strumenti u politiki oħrajn tal-UE, sakemm l-awtoritajiet Bjelorussi jimpenjaw ruħhom li jagħmlu tibdil tassew fl-oqsma tal-libertajiet, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali;

8.

Ifakkar li l-Unjoni Ewropea diġà wriet li lesta timpenja ruħha b’mod konsiderevoli mal-Bjelorussja, u dan intwera wkoll bl-inklużjoni tal-Bjelorussja fis-Sħubija tal-Lvant; ifakkar li s-suċċess ta' dan l-impenn jiddependi minn passi favur id-demokratizzazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi, min-naħa tal-Gvern tal-Bjelorussja;

9.

Jiġbed l-attenzjoni li, jekk l-awtoritajiet Bjelorussi jaderixxu mal-kriterji marbuta mad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fundamentali, il-Bjelorussja tibbenefika mill-punti li ġejjin:

il-konklużjoni u r-ratifika tal-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Bjelorussja (FSK),

l-utilizzazzjoni effikaċi tal-istrumenti finanzjarji tal-UE, bħall-istrumenti tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) u l-Istrument Ewropew tal-Viċinat u s-Sħubija (ENPI),

l-estensjoni tal-finanzjament tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) għal proġetti fil-Bjelorussja li jinvolvu entitajiet tal-istat,

ir-restituzzjoni tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP+) lill-Bjelorussja,

il-kisba ta' parti oħra tas-self għall-istabilità mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI),

it-tkomplija tan-negozjati dwar l-adeżjoni tal-Bjelorussja mad-WTO,

l-appoġġ għall-estensjoni tal-programm tal-OKŻE lill-Bjelorussja;

10.

Jagħti importanza kbira lil-liberalizzazzjoni tal-ħajja politika u ċivili fil-Bjelorussja u jenfasizza li jekk ikun hemm aktar każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fil-Bjelorussja, dan jista' jwassal għal reviżjoni tal-pożizzjoni tal-UE mal-Bjelorussja, fosthom l-impożizzjoni mill-ġdid tas-sanzjonijiet;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Commonwealth tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Bjelorussja.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2009)0117.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/40


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
It-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji – nagħmluhom jaħdmu

P7_TA(2010)0056

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji – nagħmluhom jaħdmu

2010/C 349 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 dwar il-Laqgħa Għolja tal-G20 ta' Londra tat-2 ta' April 2009 (1),

wara li kkunsidra l-Istqarrija tal-Mexxejja maħruġa wara l-Laqgħa Għolja ta' Pittsburgh tal-Grupp tal-Għoxrin (G20) tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2009 dwar il-Laqgħa Għolja tal-G20 f'Pittsburgh tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009 (2),

wara li kkunsidra l-komunikat tal-laqgħa tal-G20 f'St Andrews tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tas-7 ta' Novembru 2009,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009, u b’mod partikulari l-paragrafu 15 tagħhom,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President Barroso tal-15 ta' Diċembru 2009 lill-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-ittra tat-18 ta' Jannar 2010 mill-Ministru tal-Finanzi Svediż lill-Presidenza tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' tariffa ta' stabilità fl-Istati Membri,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE tat-12 ta' Frar 2008 dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital (3),

wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tat-trattament tas-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni (COM(2007)0747),

wara li kkunsidra l-mistoqsija tal-24 ta' Frar 2010 lill-Kummissjoni dwar it-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji – nagħmluhom jaħdmu (O-0025/2010 – B7-0019/2010),

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Parlament laqa’ l-ħidma investigattiva mibdija fil-livell tal-G20, wara s-Samit ta' Pittsburgh f’Settembru 2009 fir-rigward ta' qafas internazzjonali għal tassazzjoni tat-transazzjonijiet finanzjarji,

B.

billi l-Parlament talab progress rapidu biex jiġi żgurat li s-settur finanzjarju jikkontribwixxi b’mod ġust għall-irkupru ekonomiku u l-iżvilupp minħabba li hemm kostijiet u konsegwenzi sostanzjali li qed jinġarru mill-ekonomija reali, minn dawk li jħallsu t-taxxi, mill-konsumaturi, mis-servizzi pubbliċi u mis-soċjetà b’mod ġenerali,

C.

billi l-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza tat-tiġdid tal-kuntratt ekonomiku u soċjali bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u s-soċjetà li huma jservu u l-importanza li jiġi żgurat li l-pubbliku jibbenefika fi żminijiet tajbin u jkun protett mir-riskju; billi l-Kunsill Ewropew ħeġġeġ, f’dan il-kuntest, lill-FMI biex fir-reviżjoni tiegħu jikkunsidra l-firxa sħiħa ta' għażliet, li jinkludu fost affarijiet oħra imposta globali fuq it-transazzjonijiet finanzjarji; billi, f’dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jidentifikaw il-prinċipji ewlenin li l-arranġamenti globali l-ġodda jeħtieġu jirrispettaw,

D.

billi bosta Stati Membri talbu taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji,

E.

billi l-inizjattivi regolatorji l-ġodda, bħalma huma azzjoni kontra r-rifuġji fiskali, it-tneħħija ta' lakuni li ma jkunux evidenti fuq il-karta tal-bilanċ, rekwiżiti għal negozjar fil-kambju u l-użu ta' repożitorji tal-kummerċ għar-reġistrazzjoni tad-derivattivi, biddlu b’mod ċar il-kuntest ta' azzjoni politika f’dan il-qasam,

F.

billi l-Kummissjoni, wara l-kwistjonijiet li tqajmu fil-laqgħa bejn il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kummissarju responsabbli għat-tassazzjoni fis-6 ta' Ottubru 2009, u kif ikkonfermat mill-President Barroso fid-dikjarazzjoni tiegħu lill-Parlament fil-15 ta' Diċembru 2009, qiegħda taħdem fuq ideat għal “finanzi innovattivi” fil-kuntest tal-isfidi globali, inklużi taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, sabiex tressaq proposti fi żmien xieraq,

G.

billi l-FMI attwalment qed jiġbor opinjonijiet mill-pubbliku dwar il-kwistjoni tat-tassazzjoni tas-settur finanzjarju bħala parti mit-talba li saret mill-G20 fis-Samit ta' Pittsburgh tal-24 u l-25 ta' Settembru 2009,

H.

billi t-taxxi u l-imposti fuq it-transazzjonijiet finanzjarji jeżistu f’forom differenti fl-Istati Membri; billi dawn it-taxxi u sisa nazzjonali normalment ikopru biss it-transazzjonijiet ta' assi partikulari; billi l-Belġju u Franza adottaw leġiżlazzjoni dwar taxxa fuq transazzjonijiet ta' muniti fil-livell nazzjonali, iżda se jdaħħluha fis-seħħ biss jekk tkun implimentata fil-livel tal-UE,

I.

billi, b’differenza minn forom ta' taxxi oħrajn, it-taxxi indiretti fuq il-ġbir ta' kapital, bħalma huma d-dazju kapitali, il-bolla fuq it-titoli u d-dazju fuq operazzjonijiet ta' ristrutturar, joħolqu diskriminazzjoni, tassazzjoni doppja u diskrepanzi li jinterferixxu mal-moviment ħieles tal-kapital,

J.

billi kien hemm żieda kbira u rapida matul l-aħħar għaxar snin fil-volum ta' transazzjonijiet finanzjarji meta mqabbel mal-volum ta' kummerċ ta' prodotti u servizzi, u dan jista’ jiġi spjegat, fost affarijiet oħrajn, bis-suq tad-derivattivi li qed jikber b’rata mgħaġġla ħafna,

K.

billi l-mexxejja tal-G20 għandhom responsabilità kollettiva biex jimmitigaw l-impatt soċjali tal-kriżi, kemm fl-istati membri tagħhom kif ukoll fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li ntlaqtu b’mod qawwi bl-effetti indiretti tal-kriżi; billi taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji tikkontribwixxi biex jiġu koperti l-kostijiet iġġenerati mill-kriżi,

1.

Huwa tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha taqbel dwar pożizzjoni komuni fil-qafas internazzjonali tal-laqgħat tal-G20 fir-rigward tal-possibilitajiet dwar kif is-settur finanzjarju għandhu jikkontribwixxi b’mod ġust u sostanzjali sabiex iħallas għal kwalunkwe piż li kkawża lill-ekonomija reali jew li huwa assoċjat mal-intervenzjonijiet tal-gvernijiet biex is-sistema bankarja tistabbilizza ruħha; huwa tal-fehma li l-UE, b’mod parallel u konsistenti mal-ħidma tal-G20, għandha tiżviluppa l-istrateġija tagħha stess fir-rigward tal-firxa ta' għażliet possibbli għal azzjoni;

2.

Iqis li, sabiex tintlaħaq pożizzjoni koerenti tal-UE bbażata fuq analiżi oġġettiva, il-Kummissjoni għandha telabora, biżżejjed minn qabel is-Samit tal-G20 li jmiss, valutazzjoni tal-impatt ta' taxxa globali fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, filwaqt li tesplora kemm il-vantaġġi kif ukoll l-iżvantaġġi;

3.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fil-valutazzjoni tagħha, tqis bir-reqqa dawn l-aspetti li ġejjin:

(a)

l-esperjenzi tal-passat fir-rigward tat-taxxi fuq it-transazzjonijiet, speċjalment f’termini ta' tendenzi ta' evażjoni fiskali u migrazzjoni ta' kapital jew forniment ta' servizz għal lokazzjonijiet alternattivi, speċjalment l-impatt ta' dawn it-taxxi fuq l-investituri individwali u fuq l-SMEs;

(b)

il-benefiċċji u l-iżvaantaġġi tal-introduzzjoni ta' taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni Ewropea biss, meta mqabbla mal-introduzzjoni tagħhom fil-livell globali u meta mqabbla mas-sitwazzjoni attwali;

(c)

il-potenzjal li jiġi ġġenerat biżżejjed dħul apparagun ta' sorsi oħrajn ta' dħul fiskali, l-ispejjeż ta' ġbir u d-distribuzzjoni tad-dħul bejn il-pajjiżi;

(d)

il-fatt li, fil-valutazzjoni tad-dħul potenzjali mit-taxxi fuq it-transazzjonijiet finanzjarji f'livell globali jew f'dak Ewropew, għandhom jitqiesu l-għażliet ta' tfassil differenti, filwat li tiġi kkwantifikata ż-żieda fl-ispejjeż tat-transazzjonijiet fis-swieq kollha potenzjalment ikkonċernati (transazzjoni fuq kambju organizzat, tranżazzjonijiet direttament bejn żewġ partijiet (over-the-counter)) u għal transazzjonijiet bejn negozju u ieħor (B2B) u bejn in-negozji u l-konsumaturi (B2C);

(e)

il-fatt li l-valutazzjoni għandha tqis ukoll il-potenzjal tal-possibilitajiet differenti li jaffettwaw kemm il-livelli tal-prezzijiet u kemm l-istabilità fuq perjodu ta' żmien qasir u anke fit-tul, kif ukoll il-likwidità u t-transazzjonijiet finanzjarji;

(f)

kif jeħtieġ li titfassal taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji sabiex jiġu mitigati l-effetti sekondarji negattiva li normalment huma assoċjati mat-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital;

(g)

sa liema punt taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq finanzjarji f'termini tal-effetti tagħha fuq l-eċċessività ta' kummerċ fuq perjodu ta' żmien qasir, l-ispekulazzjoni u fuq it-trasparenza;

(h)

jekk taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji tistax tevita kriżi finanzjarja futura billi tkun immirata lejn ċerti tipi ta' transazzjonijiet “mhux mixtieqa”; li għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni;

4.

Jenfasizza li kwalunkwe soluzzjoni għandha imperattivament tevita li tnaqqas il-kompetittività tal-UE jew li xxekkell l-investiment sostenibbli, l-innovazzjoni u t-tkabbir, li huma ta' benefiċċju għall-ekonomija reali u għas-soċjetà;

5.

Jenfasizza l-importanza li titqies in-neċessità li s-settur bankarju jibni kapital b’saħħtu, sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tas-sistema bankarja fir-rigward tal-finanzjament tal-investimenti fl-ekonomija reali; u li jiġi evitat teħid ta' riskju eċċessiv;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jivvalutaw il-potenzjal tal-kontribuzzjoni ta' possibilitajiet differenti ta' taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji għall-baġit tal-UE;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jivvalutaw sa liema punt il-possibilitajiet ikkunsidrati jistgħu jintużaw ukoll bħala mekkaniżmi finanzjarji innovattivi biex jiġi pprovdut appoġġ kemm għall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni ta' dan it-tibdil għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll għall-finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Testi adottati, P6_TA(2009)0330.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2009)0028.

(3)  ĠU L 46, 21.2.2008, p. 11.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/43


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
L-implimentazzjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA)

P7_TA(2010)0057

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA)

2010/C 349 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Mejju 2006 dwar iż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro,

wara li kkunsidra d-Dokument Speċjali Nru 71 t'Awwissu 2007 dwar l-impatt ekonomiku taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro, ppubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern (1) (Direttiva dwar is-Servizzi ta' Pagament),

wara liu kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) (2),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta' Marzu 2009, li tiċċara ċerti prinċipji sottostanti ta' mudell tan-negozju ġejjieni ta' Debitu Dirett għas-SEPA (SEPA Direct Debit - SDD),

wara li kkunsidra t-tieni sondaġġ tal-Kummissjoni, tat-22 ta' Lulju 2009, dwar kemm huma mħejjija l-amministrazzjonijiet pubbliċi fir-rigward tas-SEPA, u l-migrazzjoni għal din is-sistema,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Settembru 2009: L-ikkompletar tas-SEPA: Pjan ta' Direzzjoni għall-20092012 (COM(2009)0471),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 924/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-16 ta' Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (3),

Wara li kkonsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ottubru 2009: l-Applikabilità tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE għall-pagamenti interbankarji multilaterali fid-Debiti Diretti tas-SEPA (SEC(2009)1472),

wara li kkunsidra t-tieni Rapport ta' Progress annwali tal-Kummissjoni dwar il-Qagħda tal-Migrazzjoni għas-SEPA, tad-9 ta' Novembru 2009,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2009 dwar is-SEPA,

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi ż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) hija intiża bħala suq integrat għas-servizzi tal-pagament, li hu suġġett għal kompetizzjoni effettiva u fejn m'hemm l-ebda distinzjoni bejn pagamenti transkonfinali u nazzjonali bl-euro,

B.

billi s-SEPA mhix biss inizjattiva awtoregolatorja tal-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti, iżda wkoll inizjattiva ewlenija ta' politika pubblika li ssaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja kif ukoll l-Istrateġija UE 2020 ġejjiena; billi s-SEPA hija appoġġata mid-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Pagament, li tipprovdi l-qafas legali armonizzat meħtieġ; u billi s-suċċess tagħha huwa, għalhekk, ta' interess partikolari għall-Parlament,

C.

billi l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tas-SEPA bħalissa qiegħed f'idejn il-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti, fejn il-banek biss jieħdu d-deċiżjonijiet dwar prodotti tas-SEPA filwaqt li jinjoraw it-talbiet tal-utenti finali,

D.

billi l-migrazzjoni għas-SEPA bdiet uffiċjalment fit-28 ta' Jannar 2008 bit-tnedija tal-istrument tas-SEPA għat-trasferiment tal-krediti, filwaqt waqt li l-Qafas tas-SEPA dwar il-Pagamenti bil-Kards ilu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2008, u l-iskema ta' Debitu Dirett tas-SEPA bdiet fit-2 ta' Novembru 2009,

E.

billi l-konsumaturi sikwit esprimew li jeħtieġ li l-karatteristiċi tal-prodotti tas-SEPA jolqtu l-bżonnijiet tal-utenti finali eżistenti, notevolment billi jiġu ċċekkjati l-mandati ta' debiti diretti, u billi hu mixtieq li jsir progress biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata,

F.

billi ma ġiet stipulata ebda data tat-tmiem vinkolanti għall-migrazzjoni lejn strumenti tas-SEPA, u billi l-maġġoranza kbira ta' dawk li rrispondew il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni appoġġjaw l-idea li din id-data tat-tmiem tiġi stabbilita biex il-migrazzjoni lejn is-SEPA tingħata spinta,

G.

billi l-Kummissarju maħtur għas-Suq Intern u s-Servizzi iddikjara fit-tweġibiet bil-miktub tiegħu għall-kwestjonarju tal-Parlament Ewropew, li kellu l-ħsieb li jipproponi inizjattiva leġiżlattiva għall-adozzjoni mill-Kummissjoni bl-għan li tiġi stabbilita skadenza waħda jew iktar għall-migrazzjoni lejn prodotti tas-SEPA għal debiti diretti u għal trasferimenti tal-krediti, kif ukoll inizjattiva biex titjieb il-governanza,

H.

billi l-migrazzjoni lejn is-SEPA qed issir bil-mod wisq: f'Awwissu 2009,4.5 % biss tat-tranżazzjonijiet totali saru permezz tal-format tat-Trasferimenti tal-Kreditu SEPA, u billi l-iskadenza prevista oriġinarjament, jiġiferi l-migrazzjoni ta' massa kritika għal Trasferimenti tal-Kreditu SEPA, Debiti Diretti tas-SEPA u pagamenti bil-kards sal-aħħar tal-2010, m'għadhiex realistika,

I.

billi l-migrazzjoni għall-istrumenti tas-SEPA min-naħa tal-amministrazzjonijiet pubbliċi miexja b'ritmu aktar bil-mod minn dak li stennew il-parti l-kbira tal-Istati Membri, għalkemm dawn l-entitajiet għandu jkollhom sehem katalitiku fil-ħolqien tal-massa kritika meħtieġa biex tiġi aċċellerata l-migrazzjoni lejn is-SEPA,

J.

billi huwa importanti li l-partijiet interessati rilevanti kollha – il-leġiżlaturi, l-industrija bankarja u l-utenti tas-servizzi tal-pagamenti – jkunu involuti fit-twettiq tas-SEPA,

K.

billi l-użu tal-istrumenti tas-SEPA sempliċement għal transazzjonijiet ta' pagamenti transkonfinali ma jwasslux għas-suċċess tal-proġett tas-SEPA, minħabba li jkun għad hemm frammentazzjoni u l-benefiċċji mistennija għall-industrija bankarja kif ukoll għall-klijenti tagħha ma setgħux jiġu realizzati,

L.

billi r-Regolament (KE) Nru 924/2009 jipprevedi ċertezza legali rigward l-applikazzjoni ta' tariffi għal skambji multilaterali tul perjodu tranżitorju sal-31 ta' Ottubru 2012, li tulu l-industrija għandha tiżviluppa u taqbel dwar mudell tan-negozju komuni u għal żmien twil għall-operat tad-Debitu Dirett tas-SEPA li għandu jkun konformi mal-liġi tal-Kompetizzjoni tal-KE u l-qafas regolatorju Komunitarju,

M.

billi f'Marzu 2009, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew indikaw li donnu li ma kien hemm ebda raġuni ċara u konvinċenti biex ikompli jkun hemm tariffi għal skambji multilaterali għal kull tranżazzjoni wara l-31 ta' Ottubru 2012, u billi l-kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika dwar l-applikabilità tal-Artikolu 81 tat-Trattat KE għall-pagamenti interbankarji multilaterali fid-Debiti Diretti tas-SEPA,

N.

billi għandha tiġi solvuta wkoll il-kwistjoni tal-applikazzjoni tat-tariffi għal skambji multilaterali fir-rigward tas-soluzzjoni ta' kards tal-UE bbażata fuq il-Qafas tas-SEPA dwar il-pagamenti bil-kards,

O.

billi għandu jkun żgurat li se tinżamm il-validità legali ta' mandati ta' debitu dirett eżistenti fl-Istati Membri kollha, minħabba li l-obbligu li jkunu ffirmati mandati ġodda meta wieħed jibdel minn skemi nazzjonali ta' debitu dirett għall-iskema ta' Debitu Dirett tas-SEPA jkun ta' piż; billi, madankollu, iż-żamma ta' dawn il-mandati ma tgħinx l-implimentazzjoni bikrija tal-iskema ta' Debiti Diretti tas-SEPA sakemm ma tinstabx soluzzjoni għall-migrazzjoni tal-mandati eżistenti,

1.

Jenfasizza li se jkompli jappoġġa l-ħolqien tas-SEPA, li hi suġġetta għall-kompetizzjoni effettiva u fejn ma ssir l-ebda distinzjoni bejn il-ħlasijiet transkonfinali u nazzjonali bl-euro;

2.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li kważi l-ebda progress ma sar rigward il-kwistjoni msemmija fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar l-implimentazzjoni tas-SEPA tat-12 ta' Marzu 2009 mill-adozzjoni tagħha sa llum, u jitlob li l-partijiet konċernati kollha jinvolvu ruħhom biex jippromwovu u jagħtu kontribut għat-twettiq tas-SEPA;

3.

Jilqa' l-pjan ta' direzzjoni tas-SEPA adottat mill-Kummissjoni f'Settembru 2009, u jappoġġja bis-sħiħ l-azzjonijiet stipulati fih f'sitt oqsma ta' prijorità (jiġifieri li titrawwem il-migrazzjoni; li titqajjem kuxjenza dwar is-SEPA u li jiġu promossi l-prodotti tas-SEPA; li jitfassal ambjent legali soda għas-SEPA u li tissaħħaħ il-konformità mas-SEPA; li tkun promossa l-innovazzjoni; li tkun żgurata l-istandardizzazzjoni, l-interoperabilità u s-sigurtà meħtieġa; li tiġi ċċarata u mtejba l-governanza tas-SEPA);

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffissa data tat-tmiem ċara, xierqa u vinkolanti, li m'għandhiex tkun iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012, għall-migrazzjoni lejn l-istrumenti tas-SEPA, data li warajha l-ħlasijiet kollha bl-euro jkunu jridu jsiru skont l-istandards tas-SEPA;

5.

Jistieden lill-Kunsill Ewropew tal-Pagamenti biex iqis it-talbiet tal-utenti finali u sussegwentement jimmodifika r-regoli tiegħu;

6.

Jappoġġja bis-sħiħ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li trawwem il-proċess tal-migrazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi permezz tat-tfassil ta' pjanijiet ta' migrazzjoni nazzjonali integrati u sinkronizzati; f'dan ir-rigward, jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni li tistħarreġ u tippubblika l-livell ta' tħejjija tal-amministrazzjonijiet pubbliċi għas-SEPA u l-migrazzjoni tagħhom għal din is-sistema, u jistieden lill-Istati Membri jieħdu sehem f'dan l-istħarriġ;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara b'mod definit u sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru 2010, fuq il-bażi tar-riżultat tal-konsultazzjoni rispettiva, inklużi l-partijiet konċernati kollha, il-kwistjoni ta' mudell ekonomiku armonizzat għal żmien twil għad-debiti diretti tas-SEPA, li jrid ikun applikabbli fl-Ewropa kollha, effiċjenti għan-nefqa u konvenjenti għall-utent finali; jinsisti fuq il-ħtieġa li dan il-mudell jiġi żviluppat b'kooperazzjoni mill-qrib bejn is-settur tal-pagamenti u l-Kummissjoni u b'konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE u l-qafas regulatorju Komunitarju;

8.

Jistieden lill-partijiet interessati kollha biex jappoġġjaw it-twaqqif ta' skema Ewropea ta' ħlas bil-kards, jew bħala skema ġdida komplimentarja, alleanza bejn l-iskemi eżistenti jew bħala espansjoni ta' skema eżistenti; f'dan ir-rigward, jerġa' jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tiċċara l-kwistjoni ta' tariffi għal skambji multilaterali għall-ħlasijiet bil-kards, u jistieden lill-industrija biex issib soluzzjonijiet xierqa, b'koperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni, u f'konformità mal-liġi tal-kompetizzjoni tal-KE u l-qafas regolatorju Komunitarju;

9.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw il-validità legali kontinwa tal-mandati ta' debiti diretti eżistenti fl-iskema ta' Debiti Diretti tas-SEPA; jenfasizza li t-tranżizzjoni mill-iskemi eżistenti ta' debiti diretti għall-iskema ta' Debiti Diretti SEPA m'għandhiex toħloq aktar piż lill-konsumaturi;

10.

Jinsisti li l-konsumaturi għandhom ikunu informati b'mod ċar dwar id-differenzi bejn l-iskema ta' qabel u l-iskema l-ġdida;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja l-migrazzjoni tal-istrumenti tas-SEPA u tiżgura li din ma tirriżultax f'sistema ta' pagamenti iktar għalja għaċ-ċittadini tal-UE;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0139.

(3)  ĠU L 266, 9.10.2009, p. 11


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/46


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda Kontra l-Falsifikazzjoni (ACTA)

P7_TA(2010)0058

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-trasparenza u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-ACTA

2010/C 349 E/10

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat FUE),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Frar 2010 dwar Ftehim ta' Qafas rivedut bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-perjodu leġiżlattiv li jmiss (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (tfassil mill-ġdid), li għandha titqies bħala l-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari (2) (COM(2008)0229 – C6-0184/2008 – 2008/0090(COD)),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar l-impatt tal-iffalsifikar fuq il-kummerċ internazzjonali (3),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-22 ta’ Frar 2010 dwar in-negozjati li qed isiru bħalissa mill-Unjoni Ewropea rigward Ftehim Kummerċjali dwar il-Ġlieda kontra l-Iffalsifikar (ACTA),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku),

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-2008 l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi l-oħra tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) bdew in-negozjati dwar ftehim ġdid plurilaterali li jsaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali (IPR) u jiġġieled kontra l-iffalsifikar u l-piraterija (Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar - ACTA) u ftehmu b’mod konġunt dwar klawsola ta’ kunfidenzjalità,

B.

billi fir-rapport tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2009, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex “immedjatament tagħmel pubblikament disponibbli d-dokumenti kollha relatati man-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehim kummerċjali dwar il-ġlieda kontra l-iffalsifikar (ACTA)”,

C.

billi fis-27 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni tat assigurazzjonijiet dwar l-impenn tagħha għal assoċjazzjoni msaħħa mal-Parlament, b'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta’ Frar 2010 dwar Ftehim ta’ Qafas rivedut mal-Kummissjoni li talab li jkun hemm “l-għoti immedjat u sħiħ ta’ informazzjoni lill-Parlament f'kull stadju tan-negozjati dwar ftehimiet internazzjonali, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet ta’ kummerċ u negozjati oħra li jinvolvu l-proċedura ta’ kunsens, (…) b'tali mod li jingħata effett sħiħ lill-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE”,

D.

billi rappreżentanti tal-Kunsill attendew rawnds ta’ negozjati tal-ACTA flimkien ma' rappreżentanti tal-Kummissjoni,

E.

billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjana tat-Trattati, hija obbligata li tara li jiġi osservat l-acquis communautaire meta jiġu nnegozjati ftehimiet internazzjonali li jaffettwaw il-leġiżlazzjoni fl-UE,

F.

billi, skont dokumenti li ġew żvelati, in-negozjati tal-ACTA jinkludu, fost affarijiet oħra, leġiżlazzjoni pendenti tal-UE dwar l-infurzar tal-IPR 2005/0127(COD) – Miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPRED-II)) u l-hekk imsejjaħ “Pakkett Telecom”, u dwar leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fir-rigward tal-kummerċ elettroniku u l-protezzjoni tad-data,

G.

billi l-isforzi li qed tagħmel bħalissa l-UE biex tarmonizza l-miżuri ta’ infurzar tal-IPRs m’għandhomx jiġu evitati minn negozjati kummerċjali li jaqgħu barra mill-ambitu tal-proċess normali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE,

H.

billi huwa kruċjali li jkun żgurat li l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ infurzar tal-IPR iseħħ b'mod li ma jimpedixxix l-innovazzjoni jew il-kompetizzjoni, ma jdgħajjifx il-limitazzjonijiet tal-IPR u l-protezzjoni tad-data personali, ma jirrestrinġix il-fluss ħieles tal-informazzjoni u ma jtaqqalx bla bżonn il-kummerċ leġittimu,

I.

billi kwalunkwe ftehim li jintlaħaq mill-Unjoni Ewropea dwar l-ACTA għandu jkun konformi mal-obbligi legali imposti fuq l-UE fir-rigward tal-liġi tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif stabbilit b’mod partikolari fid-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE u fil-każistika stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE),

J.

billi t-Trattat ta’ Lisbona ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2009,

K.

billi, b'riżultat tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament se jkollu jagħti l-approvazzjoni tiegħu għat-test tat-Trattat tal-ACTA, qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu fl-UE,

L.

billi l-Kummissjoni impenjat ruħha li tipprovdi informazzjoni immedjata u sħiħa lill-Parlament f’kull stadju tan-negozjati dwar il-ftehimiet internazzjonali,

1.

Jinnota li, mill-1 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni kellha u għandha l-obbligu legali li immedjatament u bis-sħiħ tinforma lill-Parlament Ewropew fl-istadji kollha tan-negozjati internazzjonali;

2.

Jesprimi l-akbar tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ proċess trasparenti fit-twettiq tan-negozjati tal-ACTA, qagħda li tmur kontra sew it-test kif ukoll l-ispirtu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE; jinsab ferm imħasseb li ma ġiet stabbilita l-ebda bażi legali qabel il-bidu tan-negozjati tal-ACTA u li ma ntalbitx l-approvazzjoni parlamentari għall-mandat ta’ negozjati;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħtu aċċess pubbliku u parlamentari għat-testi u s-sommarji tan-negozjati tal-ACTA, bi qbil mat-Trattat u mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu impenn proattiv mal-imsieħba fin-negozjati tal-ACTA biex jiġu eliminati negozjati ulterjuri kunfidenzjali b'mod awtomatiku, u biex jinfurmaw lill-Parlament bis-sħiħ u fi żmien utli dwar l-inizjattivi li jkunu se jittieħdu f'dan ir-rigward; jistenna li l-Kummissjoni tagħmel proposti qabel ir-rawnd li jmiss ta’ negozjati fi New Zealand f'April 2010, biex titlob li l-kwistjoni tat-trasparenza titqiegħed fuq l-aġenda ta’ dik il-laqgħa u li l-Parlament jiġi infurmat dwar l-eżitu ta’ dan ir-rawnd immedjatament hekk kif jintemm;

5.

Jenfasizza li, sakemm il-Parlament ma jkunx mgħarraf immedjatament u bis-sħiħ fl-istadji kollha tan-negozjati, jirriżerva d-dritt li jieħu azzjoni xierqa, inkluż li jressaq il-kwistjoni quddiem il-QĠUE bil-għan li jiġu salvagwardjati l-prerogattivi tiegħu;

6.

Jiddispjaċih dwar l-għażla kkalkulata tal-partijiet li ma jinnegozjawx permezz ta’ korpi internazzjonali stabbiliti sew, bħall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li għandhom oqfsa stabbiliti ta’ informazzjoni pubblika u konsultazzjonijiet;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq evalwazzjoni tal-impatt tal-implimentazzjoni tal-ACTA fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u tal-protezzjoni tad-data, tal-isforzi li għaddejjin bħalissa biex jiġu armonizzati l-miżuri ta’ infurzar tal-IPR u tal-kummerċ elettroniku, qabel ma jintlaħaq kwalunkwe ftehim tal-UE dwar test konsolidat tal-ACTA, u biex tikkonsulta mal-Parlament fi żmien utli dwar ir-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni;

8.

Jilqa’ l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li kwalunkwe ftehim tal-ACTA se jkun limitat għall-infurzar tal-IPRs eżistenti, bla ebda preġudizzju għall-iżvilupp tal-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intelletwali fl-Unjoni Ewropea;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tillimita n-negozjati dwar l-ACTA għas-sistema eżistenti ta’ infurzar tal-IPR kontra l-iffalsifikar; iqis li negozjati ulterjuri tal-ACTA għandhom jinkludu għadd ikbar ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw u ta’ pajjiżi emerġenti, sabiex jintlaħaq livell multilaterali possibbli ta’ negozjati;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-ACTA – speċjalment dawk dwar proċeduri ta’ infurzar tad-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali – ikun konformi għalkollox mal-acquis communautaire; jitlob li ma jitwettaq l-ebda tiftix ta’ natura personali fil-fruntieri tal-UE u li tingħata kjarifika sħiħa ta’ kwalunkwe klawsola li tippermetti tiftix mingħajr mandat u konfiska ta’ tagħmir ta’ ħażna tal-informazzjoni bħal kompjuters portabbli, telefowns ċellulari u MP3 plejers minn awtoritajiet tal-fruntieri u tad-dwana;

11.

Iqis li sabiex ikun hemm rispett tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-privatezza, filwaqt li jiġi osservat bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ftehim propost m’għandux jagħmilha possibbli li jiġu imposti l-hekk imsejħa proċeduri tat-tliet daqqiet (“three-strikes” procedures), f’konformità sħiħa mad-deċiżjoni tal-Parlament dwar l-Artikolu 1.1b fid-Direttiva li temenda 2009/140/KE li titlob li jiddaħħal paragrafu 3a ġdid fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/21/KE dwar il-kwistjoni tal-politika tat-tliet daqqiet; iqis li kull ftehim għandu jkun jinkludi stipulazzjoni li l-għeluq ta’ aċċess għall-internet ta’ individwu għandu jkun soġġett għal eżami preċedenti minn qorti;

12.

Jenfasizza li l-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma valuri ewlenin tal-Unjoni Ewropea, rikonoxxuti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li għandhom jiġu rispettati fil-politiki u r-regoli kollha adottati mill-UE skont l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE;

13.

Jirrimarka li d-dispożizzjonijiet tal-ACTA, partikolarment il-miżuri bl-għan li jissaħħu s-setgħat għal spezzjonijiet transkonfinali u għall-konfiska tal-beni, m'għandhomx jaffettwaw l-aċċess globali għal prodotti mediċinali leġittimi, mhux għaljin u siguri – inklużi prodotti innovattivi u ġeneriċi – bl-iskuża tal-ġlieda kontra l-iffalsifikar;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-istati li huma partijiet fin-negozjati tal-ACTA.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2010)0009.

(2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0114.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2008)0634.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/49


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
Regolament li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati

P7_TA(2010)0059

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar ir-Regolament li japplika skema ta' preferenzi ġeneralizzati ta' tariffi

2010/C 349 E/11

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b’mod partikolari l-klawsola awtorizzanti tal-1979,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi ġeneralizzati ta' tariffi għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 (2007/0289(CNS)),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta' Lulju 2008,

wara li kkunsidra l-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-“klawżola awtorizzanti” hija l-bażi legali tad-WTO għas-sistema ġeneralizzata ta' preferenzi (GSP),

B.

billi sa mill-1971 il-Komunità kkonċediet preferenzi kummerċjali lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, fi ħdan l-iskema tagħha ta' preferenzi ġeneralizzati ta' tariffi,

C.

billi l-Parlament ġie kkonsultat dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill dwar il-GSP għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 (COM(2007)0857),

D.

billi t-Trattat ta' Lisbona daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009,

E.

billi, skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu V tat-TUE, l-azzjoni tal-UE fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u għandha trawwem l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan prinċipali li teqred il-faqar,

F.

billi, skont l-Artikolu 207 tat-TFUE, il-Parlament u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolamenti skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (OLP), għandhom jadottaw il-miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni,

1.

Jagħraf l-importanza tal-GSP, li tippermetti lill-pajjiżi żviluppati biex joffru trattament preferenzjali mhux reċiproku fir-rigward tal-prodotti ġejjin minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.

Jinnota li l-ħolqien tal-GSP mill-Komunità Ewoprea fl-1971 kien ġie ppreżentat bħala strument għas-sejba ta' soluzzjoni tal-iżbilanċi tal-kummerċ bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw u kienet mistennija tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom; iqis li dan kien strument kummerċjali tal-KE u l-UE għall-assistenza tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jiġġenera dħul permezz ta' kummerċ internazzjonali, biex b’hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba tagħhom;

3.

Jinnota li r-regolament attwali tal-GSP se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2011; għalhekk, filwaqt li jqis il-ħin meħtieġ għall-adozzjoni ta' regolament ġdid taħt l-OLP, jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi regolament tal-GSP rivedut lill-Parlament u lill-Kunsill sal-1 ta’ Ġunju 2010;

4.

Iqis li l-preferenzi mogħtija taħt il-GSP għandhom jiġu mmirati lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li l-iktar jeħtieġuhom, sabiex il-lista ġdida tal-pajjiżi benefiċjarji tkun tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika attwali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

5.

Jenfasizza li l-pajjiżi kollha li jibbenefikaw mill-iskema tal-GSP+ għandhom, skont l-Artikolu 15(1), mhux biss jirratifikaw iżda jimplimentaw ukoll b’mod effettiv is-27 konvenzjoni tal-ILO kif ukoll tan-NU mniżżla fl-Anness III tar-Regolament tal-GSP;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa għal iktar trasparenza u responsabbiltà demokratika għal kif jinbdew u jitwettqu l-proċessi ta' investigazzjoni; għalhekk jitlob li jkun infurmat bi sħiħ u involut bix-xieraq mill-Kummissjoni fid-diversi stadji tal-proċeduri tal-GSP u l-GSP+, inkluż rigward il-proposta tal-Kunsill dwar il-listi tal-pajjiżi benefiċjarji;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka u jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka biex jirreaġixxi malajr biex iġib għan-normal is-sitwazzjoni fil-pajjiż qabel ma ssir l-implimentazzjoni attwali tas-sospensjoni tal-GSP+;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kolombja u biex tirrapporta lill-Parlament;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi politika koerenti dwar il-GSP+ (Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati +), b’mod partikolari meta tkun qed tindirizza l-possibilità tas-sospensjoni tal-iskema fil-każ ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u biex tinvolvi għalkollox lill-Parlament Ewropew fil-proċess;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – qabel ma r-Regolament attwali ma jibqax japplika u qabel ma tibda d-diskussjoni dwar ir-Regolament il-ġdid – b’rapport dwar l-istat ta' ratifikazzjoni u implimentazzjoni tas-27 konvenzjoni abbażi ta' kull pajjiż li jibbenefika mill-arranġamenti ta' inċentiva speċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi, fir-regolament tal-GSP rivedut tagħha, l-entitajiet ta' monitoraġġ li għandhom jirrakkomandaw jekk għandhomx jittieħdu passi addizzjonali għall-implimentazzjoni effettiva ta' konvenzjoni minn pajjiż speċifiku; f’dak ir-rapport jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tevalwa wkoll l-effikaċja tal-arranġamenti ta' inċentiv speċjali biex jilħqu l-għan tagħhom jirrakkomanda, fejn ikun xieraq, ir-reviżjoni tal-Anness III;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-regolament tal-GSP rivedut tagħha, tipprovdi għal valutazzjoni regolari, minn kull pajjiż benefiċjarju, tal-konformità mal-impenji tiegħu skont il-GSP+ u b’hekk jiżgura li ma tapplika l-ebda raġuni stipulata fl-Artikolu 15(1) u (2) u l-Artikolu 16(1) u (2) għall-irtirar temporanju tal-arranġamenti preferenzjali; jitlob li r-rapport annwali jintbagħat lill-Parlament u lill-Kunsill;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel ma tirrevedi s-sistema, twettaq valutazzjoni tal-impatt tal-effetti tal-GSP fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2006 u l-31 ta’ Diċembru 2009 u biex tevalwa kif l-għanijiet inizjali ntlaħqu fir-rigward tal-indikaturi soċjoekonomiċi speċifiċi rilevanti għal kull pajjiż u, b’mod partikolari, it-tnaqqis tal-faqar; jiddikjara li, sussegwentement, l-istudju għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament u lill-Kunsill; jiddikjara li l-proposta l-ġdida għal regolament tal-GSP rivedut għandha tqis bix-xieraq ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-impatt;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill- Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/51


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
Rapport annwali 2008 dwar il-PESK

P7_TA(2010)0060

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar ir-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) fl-2008, ippreżentat lill-Parlament Ewropew b'applikazzjoni tal-Parti II, Taqsima G, paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 (2009/2057(INI))

2010/C 349 E/12

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rapport annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar l-aspetti prinċipali u l-għażliet bażiċi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) fl-2008, ippreżentat lill-Parlament Ewropew b'applikazzjoni tal-Parti II, Taqsima G, Paragrafu 43 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 (1),

wara li kkunsidra t-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea kif emendat, bit-titolu “Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni u Dispożizzjonijiet Speċifiċi dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni”,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà (ESS) adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003 u r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tas-Sigurtà adottat fil-11 ta' Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali msemmi hawn fuq, tas-17 ta' Mejju 2006, bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali tal-PESK tal-2006 u tal-2007, tal-5 ta' Ġunju 2008 (2) u d-19 ta' Frar 2009 (3) rispettivament,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar l-aspetti istituzzjonali tal-ħolqien tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Barranija (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0023/2010),

A.

billi r-rwol tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali żdied tul dawn l-aħħar deċennji u billi jinħtieġu approċċ ġdid u aktar mezzi finanzjarji jekk l-UE għandha taġixxi b’mod kollettiv u taffronta l-isfidi globali b’mod demokratiku, koerenti, konsistenti u effiċjenti,

B.

billi l-Unjoni Ewropea, fir-relazzjonijiet tagħha fid-dinja usa', għandha tiżviluppa aktar l-għanijiet tagħha tal-politika barranija, issostni u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha, tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha u tavvanza dawn il-valuri madwar id-dinja bil-għan li jikkontribwixxu għall-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli tal-pjaneta, is-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, il-kummerċ ħieles u ġust, il-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tat-tfal, kif ukoll l-osservanza stretta u l-iżvilupp tal-liġi internazzjonali, inkluż ir-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, billi l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, għandha tkun fiċ-ċentru tal-azzjoni esterna tal-UE u billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali issa hija vinkolanti fuq l-attivitajiet esterni tal-UE,

C.

billi t-Trattat ta' Lisbona jintroduċi dimensjoni ġdida għall-azzjoni esterna tal-Unjoni kollha kemm hi, inkluża l-PESK, li flimkien mal-personalità legali tal-UE u l-innovazzjonijiet istituzzjonali relevanti, b'mod partikolari l-ħolqien tal-uffiċċju tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (“il-Viċi President/Rappreżentant Għoli”) u t-twaqqif tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), jista' jkun fattur deċiżiv fil-koerenza, konsistenza u effikaċja tal-azzjoni esterna tal-Unjoni u jista' jtejjeb b'mod sinifikanti s-setgħa ta' tiswir tagħha fix-xena internazzjonali,

D.

billi jinħtieġu aktar sforzi sabiex titjieb it-tempestività tar-reazzjoni tal-UE għal kriżijiet politiċi u kunflitti reġjonali; billi l-mekkaniżmi attwali ta' finanzjament u ta' teħid ta' deċiżjonijiet jistgħu jfixklu reazzjonijiet komprensivi u tempestivi u billi jridu jinstabu modi kif tkun limitata aktar u kif tingħeleb ir-regola tal-unanimità,

E.

billi huwa essenzjali li jiġu identifikati korrettement, u li ssir azzjoni skont, l-interessi Ewropej komuni biex jintlaħqu l-objettivi tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni u b'mod partikolari dawk tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK); billi huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-politiki kollha deċiżi u l-azzjonijiet meħuda jkunu skont il-liġi internazzjonali, inklużi l-prinċipji stipulati fil-Karta tan-NU,

F.

billi l-promozzjoni tal-paċi, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt fid-dinja kollha hija l-għan ċentrali tal-politiki esterni tal-UE,

G.

billi t-Trattat ta' Lisbona jagħti mandat lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tassisti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw il-konsistenza bejn l-oqsma differenti ta' azzjoni esterna u bejn dawn u l-oqsma l-oħra tal-politika tal-Unjoni,

H.

billi sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-Unjoni Ewropea teżerċita l-istess drittijiet u tassumi l-istess obbligi tal-Komunità Ewropea filwaqt li tkompli teżerċita d-drittijiet eżistenti u tassumi l-obbligi tal-UE,

I.

billi l-isfidi ġodda relatati mas-sigurtà jirrikjedu li ssir enfasi aktar b'saħħitha fuq it-tisħiħ, it-taħlit u l-ibbilanċjar ta' strumenti differenti ċivili u militari fl-ispektrum kollu tal-prevenzjoni tal-kunflitti, tas-soluzzjoni tal-kunflitti, tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-attivitajiet għall-bini tal-paċi,

J.

billi xi 10 snin wara t-tnedija tal-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (PESD), li matulhom madwar 23 missjoni ntbagħtu f'żoni ta' kriżi, jeħtieġ li jitjiebu l-kapaċitajiet militari u ċivili u jiġu kkonsolidati l-istrutturi sabiex b'mod adegwat jirriflettu r-rwol tal-Politika Komuni ta' Difiża u Sigurtà(PSDK) fl-appoġġ għall-PESK u għall-għoti tas-sigurtà internazzjonali,

Prinċipji tal-azzjoni esterna Ewropea

1.

Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lis-servizzi tagħha sabiex jiżviluppaw – bil-għan li japprofondixxu l-ħsieb strateġiku kollettiv tal-Unjoni – strateġija koerenti għall-politika estera tal-UE msejsa fuq l-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat UE; huwa tal-fehma li strateġija bħal din għandha tidentifika b'mod ċar l-interessi tas-sigurtà komuni tal-UE u b'hekk isservi bħala qafas ta' referenza għat-tfassil tal-politika kif ukoll għall-formulazzjoni, il-finanzjament, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-azzjoni esterna tal-UE; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għolja biex tassoċja b'mod sħiħ korpi rilevanti tal-Parlament Ewropew fi sforzi ta' dan it-tip; jemmen li l-kunċetti tas-Sigurtà tal-Bniedem kif definiti mir-Rapport Madrid tal-2007 tal-Grupp ta' Studju dwar is-Sigurtà tal-Bniedem, u r-Responsabbiltà tal-Ħarsien, kif definita mid-Dokument ta' Eżitu tas-Samit Dinji tal-2005, għandhom isiru tnejn mill-prinċipji li jiggwidawha;

Ir-Rapport Annwali tal-Kunsill tal-2008 dwar il-PESK

2.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-ambizzjoni tal-Kunsill li jadotta approċċ aktar strateġiku, imsejjes fuq temi u razzjonalizzat għal kwistjonijiet ta' PESK meta jkun qed ifassal ir-rapport annwali tiegħu għall-2008; ifaħħar ukoll l-introduzzjoni mill-Kunsill ta' struttura aktar trasparenti, b'kapitoli ewlenin dwar l-attivitajiet tal-passat u, b'mod partikolari, il-prospettivi ġejjiena fil-qasam tal-PESK; jinnota wkoll it-titjib fir-rapport rigward l-elaborazzjoni tal-kuntest reġjonali tal-azzjoni esterni;

3.

Jenfasizza għal darba oħra li l-kamp ta' applikazzjoni tar-rapport m'għandux ikun limitat sempliċiment għal deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-PESK iżda għandu jipprovdi l-opportunità li jiġi stabbilit djalogu mal-Parlament Ewropew bil għan li jkun żviluppat approċċ aktar strateġiku għall-PESK; jirrakkomanda li r-rapport annwali tal-PESK għandu jinbidel f'rapport annwali li jiddiskuti l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-politika estera tal-UE, filwaqt li jevalwa l-effikaċja tagħha u jagħti stampa ġenerali tad-direzzjoni ġejjiena tagħha; jirrakkomanda barra minn hekk, li ssir aktar referenza għall-ħtiġijiet baġitarji u l-impatt finanzjarji tal-azzjoni esterni f'rappurtar ta' dan it-tip;

4.

Jemmen fil-valur miżjud ta' strateġija aktar estensiva u komprensiva fil-kuntest tar-rapporti annwali tal-PESK u speċifikament il-kapitoli tagħhom dwar il-gruppi u l-imsieħba reġjonali kif ukoll dwar l-interkonnessjonijiet bejn il-missjonijiet tal-PESK/PSDK u strumenti oħra li jippromwovu r-rwol tal-UE bħala parteċipant globali; perspettiva bħal din għandha, fost affarijiet oħra, tagħti ħarsa ġenerali aħjar tal-kontribuzzjoni totali mill-baġit tal-UE f'reġjun partikolari;

5.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu li, sabiex titjieb il-leġittimità demokratika tal-PESK, il-korpi kompetenti tal-Parlament għandhom jiġu kkonsultati dwar it-tnedija ta' missjonijiet tal-PSDK u li d-deċiżjonijiet fejn ikun xieraq għandhom iqisu l-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament u jinkludu referenzi għalihom; iqis li konsultazzjoni tali għandha tinkludi tagħrif dwar ir-raġunijiet tal-azzjonijiet meħuda u spjegazzjoni dwar kif il-missjoni tirrelata mal-azzjonijiet relevanti tal-UE u dawk internazzjonali, l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha u l-mod ta' kif tinteraġixxi mal-istrumenti l-oħra tal-UE;

Implikazzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona

6.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifika u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, li jagħti lill-UE l-għodda sabiex tkompli ttejjeb l-irwol u l-viżibilità tagħha fix-xena internazzjonali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-irwol fundamentali ta' kull Stat Membru, tal-Kunsill u tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli l-ġdida biex id-dispożizzjonijiet bil-miktub tat-Trattat jissarrfu f'fatti reali u azzjoni sostanzjali permezz tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet tal-UE mal-imsieħba strateġiċi tagħha u l-konsolidazzjoni tat-tmexxija tagħha fil-fora multilaterali; jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjoni tat-Trattat li tgħid li l-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK issa se jkopri l-oqsma kollha tal-politika barranija u l-kwistjonijiet kollha relatati mas-sigurtà tal-Unjoni, inkluż it-tfassil progressiv ta' politika tad-difiża komuni, li tista' twassal għal difiża komuni;

7.

Jinnota li l-President tal-Kunsill Ewropew “fil-livell tiegħu u f'dik il-kapaċità, għandu jiżgura r-rappreżentanza esterna tal-Unjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-politika barranija u ta' sigurtà tagħha”; madankollu, iwissi li dan għandu jsir bla ħsara għas-setgħat tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, u b'rikonoxximent sħiħ tal-irwol ewlieni tal-Kummissjoni, mhux biss fl-istabbiliment u ż-żamma tal-acquis communautaire fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni, iżda anke fl-iżgurar tar-rappreżentanza esterna tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-PESK;

8.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rwol tal-Viċi President/tar-Rappreżentant Għoli li tippresiedi l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin u l-fatt li r-rappreżnetant tagħha se jippresiedi l-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS); jistenna li dawn il-funzjoniiet ġodda jikkonsolidaw il-kuntatti interkostituzzjonali u jrawmu djalogu aktar stabbli bejn l-istituzzjonijiet; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tibni fuq l-esperjenza tal-preżenza perjodika tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissarju għar-Relazzjonijiet Esterni fil-Parlament waqt il-plenarja u fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, u fuq il-prattika ta' laqgħat informali, sabiex jiżdiedu u jiġu żviluppati konsultazzjonijiet regolari, sistematiċi u sostantivi mal-Parlament u mal-korpi kompetenti tiegħu;

9.

Hu tal-fehma li l-fużjoni tal-pilastri intergovernattivi u dawk Komunitarji fil-kariga waħdanija tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, li hu suġġett għal vot ta' kunsens kollettiv mill-Parlament Ewropew, tista' żżid il-leġittimità tal-attivitajiet tal-PESK sakemm jinħoloq djalogu strateġiku kontinwu bl-istess kundizzjonijiet bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-livelli kollha;

10.

Jisħaq fuq il-fatt li l-Istati Membri għandhom jaħdmu fi spirtu ta' solidarjetà politika reċiproka sabiex jinkiseb livell ta' konverġenza dejjem akbar tal-azzjonijiet fil-qasam tal-PESK;

11.

Itenni li, sabiex ikun possibbli għall-UE li jkollha sehem attiv fid-dinja, jeħtieġ li jkunu allokati biżżejjed fondi fil-baġit tal-UE; jiddispjaċih li l-baġit relevanti għad m'għandux fondi biżżejjed u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-konsegwenzi tal-finanzjament insuffiċjenti għall-ħila tal-Unjoni li twettaq politika barranija kredibbli u proattiva; jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni tingħata l-mezzi finanzjarji meħtieġa għal reazzjoni konsistenti u adegwata għal sfidi dinjija mhux previsti u, f'dan is-sens, jistenna b'ħerqa li jiġi kkonsultat dwar il-proċeduri u li jiġi involut bis-sħiħ fil-proċeduri għall-għoti ta' aċċess rapidu għal approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni għal finanzjament urġenti tal-inizjattivi tal-PESK; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Gholi biex fl-istess ħin tiżviluppa strateġija ta' komunikazzjoni effettiva li tinforma aħjar liċ-ċittadini tal-UE dwar l-iskopijiet u l-merti tal-PESK u, f'dan ir-rigward, itenni bil-qawwa l-importanza tal-leġittimità demokratika u l-iskrutinju tal-politika barranija u ta' sigurtà tal-Unjoni Ewropea;

12.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza u informazzjoni fir-rigward tal-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-UE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, peress li l-mekkaniżmu Athena ma jippermettix, evidentement, li tinkiseb perspettiva ġenerali tal-implikazzjonijiet finanzjarji kollha tal-missjonijiet imwettqa taħt il-PESK; jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, it-twaqqif tal-fond ta' tnedija skont l-Artikolu 41(3) tat-Trattat UE u jitlob li jiġi kkonsultat dwar il-ġestjoni tiegħu, f'konformità mal-prerogattivi ġenerali tal-PE dwar il-PESK u l-PSDK kif definiti fl-Artikolu 36 tat-Trattat UE; jirrimarka li parteċipazzjoni akbar mill-Parlament fid-definizzjoni, il-monitoraġġ u s-segwitu tal-PESK tirriżulta kemm mill-interkonnessjoni bejn il-PESK u l-PSDK, kif enfasizzat fl-Artikolu 42 tat-Trattat UE, kif ukoll mill-iskrutinju parlamentari msaħħaħ fil-livell nazzjonali u Ewropew kif imniżżel fil-Protokoll Nru 1 tiegħu;

13.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex jaħtfu l-opportunità offruta mit-twaqqif tal-SEAE biex tinħoloq politika barranija aktar koerenti, konsistenti u effettiva; f'dan ir-rigward, jistenna li l-valuri u l-objettivi bażiċi tal-politika barranija tal-Unjoni bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni ta' dawn id-drittijiet, kif imħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li issa hija legalment vinkolanti, kif ukoll il-prijoritajiet tal-politika barranija tal-Unjoni bħall-immaniġġjar ta' kriżi u l-iżvilupp tal-paċi, jiġu riflessi kif xieraq fl-istruttura tal-SEAE, anke fil-qasam tar-riżorsi umani; itenni li t-twaqqif u l-operat tal-SEAE jrid jippreserva d-drittijiet ta' skrutinju demokratiku u baġitarju tal-Parlament Ewropew;

14.

Jinnota li t-Trattat ta' Lisbona għandu implikazzjonijiet sostanzjali għall-PESK billi jorganizza mill-ġdid ir-responsabbiltajiet amministrattivi, u għaldaqstant jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiżguraw li l-ekonomiji ta' skala f'termini ta' strutturi ta' appoġġ iwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi;

15.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita aktar ċarezza dwar il-kriterji għall-ħatra u l-evalwazzjoni tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE (RSUE), filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu wkoll il-ħtieġa għal rappreżentanza biżżejjed taż-żewġ sessi; ifakkar li bħalissa l-Parlament m'għandu l-ebda mezz kif jikkontesta mandat individwali ta’ RSUE, peress li l-approprjazzjonijiet għall-eżerċizzju ta' mandat bħal dan huma inklużi fl-Artikolu 19 03 06, li jkopri l-mandati kollha tar-RSUE; jitlob, għalhekk, li jkun hemm skrutinju parlamentari akbar u kontroll fuq il-ħatriet tar-RSUE; iqis li r-RSUE relevanti għandhom b'mod gradwali jitneħħew filwaqt li l-funzjonijiet tagħhom jistgħu jitwettqu mill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE bbażati fil-pajjiżi filwaqt li r-RSUE b'responsabilitajiet reġjonali jridu jikkoordinaw u jipprovdu gwida politika lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE taħt l-awtorità tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli fil-pajjiżi konċernati sabiex tkun żgurata azzjoni esterna Ewropea koerenti u konsistenti; jinnota li mandat doppju (double-hatting) huwa, f'dan ir-rigward, l-ewwel – iżda mhux l-uniku – pass li hemm bżonn jittieħed sabiex jinħolqu ekonomiji ta' skala u l-PESK issir aktar effiċjenti; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tieħu passi bil-għan li tagħti lir-RSUE l-kompitu li jikkoordinaw u jipprovdu gwida politika anke rigward il-missjoni tal-PSDK fil-mandat tagħhom;

16.

Jitlob lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tikkonsulta l-kumitat relevanti tal-Parlament dwar ħatriet li tagħmel għal karigi għolja fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), inklużi r-RSUE; huwa determinat li jistieden lil ċerti RSUE u Kapijiet ta' Delegazzjoni jidhru quddiem il-kumitat wara li jinħatru;

17.

Jinnota li t-Trattat ta' Lisbona jinkludi proċeduri finanzjarji ġodda għall-PESK, isaħħaħ id-djalogu bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar il-PESK billi jintroduċi żewġ dibattiti annwali li għandhom isiru mal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, u jiddeskrivi r-rwol u r-responsabilitajiet tal-Parlament f'relazzjoni mal-PSDK; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm reviżjoni tal-ftehimiet interistituzzjonali eżistenti, bl-involviment tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu, sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni bla skossi u effiċjenti tal-proċeduri baġitarji, konsultattivi u ta' sorveljanza għall-PESK u l-PSDK u sabiex jitjieb l-aċċess għal informazzjoni sensittiva; jiġbed attenzjoni partikulari, f'dan ir-rigward, għall-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, imsemmi hawn fuq, u għall-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal Informazzjoni Sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża (5); ifisser id-determinazzjoni tiegħu li jeżerċita s-setgħa baġitarja u l-iskrutinju demokratiku tiegħu fir-rigward tal-PESK b'rabta mal-innovazzjonijiet istituzzjonali kollha, inklużi l-arranġamenti ta' finanzjament għall-SEAE;

18.

Jinnota li t-Trattat ta' Lisbona jestendi l-proċedura ta' kunsens għall-ftehimiet kollha marbuta mal-oqsma li għalihom tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja u jsaħħaħ id-dritt tal-Parlament li jinżamm informat kif xieraq mill-Kummissjoni dwar il-progress tan-negozjati ta' ftehimiet internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 218 tat-Trattat FUE; għalhekk jikkunsidra li n-negozjar ta' Ftehim Interistituzzjonali ġdid mal-Parlament għandu jitqies sabiex il-Parlament jingħata definizzjoni sostantiva tal-involviment tiegħu f'kull stadju tan-negozjati li jwasslu għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali;

19.

Iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin biex jaġixxi permezz ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata (QMV) kull meta t-Trattat jistipula li għandu jsir hekk;

20.

Hu tal-fehma li l-Artikoli 42(2) u (7) tat-Trattat UE flimkien mal-Artikolu 10 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, jinvalida l-funzjonijiet residwi tal-Unjoni Ewropea tal-Punent; għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri konċernati tal-UE sabiex jaġixxu skont l-Artikolu XII tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea tal-Punent u sabiex jagħtu preavviż ta' sena tal-intenzjoni tagħhom li joħorġu mit-Trattat; ifakkar li d-dritt ta' skrutinju parlamentari fuq attivitajiet tal-PESK u tal-PSDK hu tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri tal-UE;

Kwistjonijiet tal-PESK ta' natura tematika

21.

Għadu mħasseb dwar is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u l-kriżijiet ripetuti tal-gass bħall-kriżi Russja-Ukraina ta' Jannar 2009, li enfasizzat id-dipendenza dejjem akbar tal-UE f'termini ta' enerġija fuq is-sorsi tal-provvista u r-rotot ta' tranżitu; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi evitata d-dipendenza enerġetika tal-UE fuq pajjiżi terżi, li ddgħajjef l-indipendenza tal-politika barranija tal-UE; ifakkar fil-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-isfidi enerġetiċi permezz tal-implimentazzjoni ta' politika tal-enerġija esterna Ewropea komuni; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex issegwi b'determinazzjoni r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Parlament għall-iżvilupp ta' politika koerenti u koordinata, b'mod partikolari billi tippromwovi l-koeżjoni tal-UE fi djalogu kostruttiv mal-fornituri tal-enerġija, b'mod speċjali r-Russja u l-pajjiżi ta' tranżitu, tappoġġja l-prijoritajiet tal-UE rigward l-enerġija u tiddefendi l-interessi komuni tal-Istati Membri, billi tiżviluppa diplomazija enerġetika effettiva u mekkaniżmi aktar effiċjenti biex jirrispondu għal sitwazzjonijiet ta' kriżi, u, fl-aħħar nett, billi tippromwovi d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, l-użu sostenibbli tal-enerġija u l-iżvilupp tas-sorsi ta' enerġija li tiġġedded; jisħaq fuq il-fatt li huwa biss approċċ komuni tal-UE li jista' jipprevjeni kull nuqqas fil-ġejjieni fil-provvisti taż-żejt u tal-gass tal-Istati Membri u li jista' jżid is-sigurtà tal-UE kollha fir-rigward tal-enerġija;

22.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-ftehim dwar il-proġett Nabucco; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħmlu ħilithom sabiex dak il-ftehim ikun implimentat b'suċċess; jenfasizza l-importanza li tkun garantita s-sigurtà enerġetika tal-UE billi jiġi promoss passaġġ fin-Nofsinhar għall-provvista ta' żejt mhux raffinat lill-Ewropa, anke via l-pipeline taż-żejt pan-Ewropew Constanța–Trieste;

23.

Jemmen li theddidiet u kunflitti potenzjali sinifikanti joħorġu mill-kompetizzjoni intensifikata għall-aċċess għar-riżorsi naturali u enerġetiċi u l-kontroll tagħhom, u konsegwentement li l-UE għandha tiżviluppa b'mod ulterjuri politiki ta' mitigazzjoni, adattament konservazzjoni tal-enerġija bil-għan li jiġu indirizzati r-riskji għas-sigurtà li joħolqu d-degradazzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima; jenfasizza f'dan is-sens li l-UE trid issaħħaħ il-pożizzjoni mexxejja tagħha fil-governanza globali tal-klima u tiżviluppa aktar djalogu ma' atturi ewlenin oħra bħall-ekonomiji emerġenti (iċ-Ċina, il-Brażil, ir-Russja, l-Indja), l-Istati Uniti u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, minħabba li t-tibdil fil-klima sar element kruċjali tar-relazzjonijiet internazzjonali;

24.

Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-fatt li l-Unjoni tibqa' tikkontribwixxi b'mod attiv u effikaċi sabiex jinstab tarf ta' kwistjonijiet globali, anke permezz tat-tisħiħ tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti u billi tingħata importanza speċjali lill-konsolidament tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

25.

Jikkummenta dwar l-importanza tal-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kunflitti, inklużi r-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiżviluppa aktar l-istrateġiji preventivi, ittejjeb it-twissija bikrija u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet reġjonali skont il-Karta tan-NU;

26.

Jenfasizza li d-dimensjoni esterna hija kruċjali għall-kisba b'suċċess ta' Żona Ewropea ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja; itenni l-importanza ta' mmaniġġjar tal-immigrazzjoni b'ordni; meta jitqies dan kollu, jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-Programm ta' Stokkolma mill-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2009; iqis li huwa essenzjali li tkun żgurata l-kooperazzjoni kemm tal-pajjiżi tal-oriġini kif ukoll tal-pajjiżi tat-tranżitu, kif ukoll li titħeġġeġ attitudni ta' kooperazzjoni soċjali bl-applikazzjoni ta' politika ta' kundizzjonalità pożittiva; isemmi l-ħtieġa li tiġi evitata l-immigrazzjoni illegali billi jiġi promoss l-iżvilupp lokali fil-pajjiżi ta' oriġini u jiġu miġġielda l-organizzazzjonijiet kriminali li jittraffikaw fil-persuni; jinsisti li d-dimensjoni esterna taż-Żona Ewropea ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja trid titqies għalkollox fil-politika barranija Ewropea;

27.

Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet għal monitoraġġ aħjar tal-missjonijiet ċivili u militari tal-Unjoni u sabiex tippermetti li jinstiltu lezzjonijiet mill-mod ta' kif jitwettqu, sabiex jitjieb l-ippjanar u l-ġestjoni ta' missjonijiet ġejjiena; f'dan ir-rigward, jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' approċċ aktar strateġiku għall-missjonijiet tal-PSDK; jissuġġerixxi li l-Laqgħat ta' Konsultazzjoni Konġunta regolari jkollhom ukoll l-għan li jevalwaw is-suċċessi u n-nuqqasijiet ta' missjonijiet kompluti sabiex jgħinu biex tiġi żviluppata approċċ li jħares 'il quddiem għall-ħtiġijiet tal-futur u li jħaddan l-aspetti kollha (il-finanzi, l-implimentazzjoni, l-organizzazzjoni amministrattiva);

28.

Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jirranġaw l-iżbilanċ fil-kapaċitajiet ta' ppjanar ċivili u militari fis-Segretarjat tal-Kunsill u biex jipprovdu għadd xieraq ta' staff fl-oqsma tal-ġustizzja, l-amministrazzjoni ċivili, id-dwana u l-medjazzjoni sabiex ikun żgurat li l-missjonijiet tal-PSDK jingħataw għarfien tekniku suffiċjenti u xieraq;

29.

F'dan ir-rigward, jitlob li l-komponent ċivili jkollu staff adegwat u jħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw l-opportunità kbira mogħtija mill-SEAE biex jiġbru flimkien ir-riżorsi disponibbli attwalment sabiex tinkiseb kapaċità ta' ppjanar tal-immaniġġjar tal-kriżijiet li tkun effikaċi u effiċjenti;

30.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jirduppjaw l-isforzi tagħhom sabiex isibu u jiskjeraw għadd suffiċjenti ta' persunal adattat, kwalifikat u bbilanċjat mil-lat ta' sessi biex jieħdu sehem fi sforzi ċivili u militari tal-PSDK fid-dinja kollha f'qafas koerenti u kkoordinat sew, anke f'żoni b'ħafna riskju, minħabba li s-suċċess tal-missjonijiet tal-PSDK jiddependi ħafna mill-ħiliet u mill-għarfien ta' persunal imħarreġ tajjeb; f'dan ir-rigward, jitlob taħriġ komuni tal-persunal tal-missjonijiet tal-PSDK; jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi li diġà saru f'termini tal-iżvilupp ta' linji gwida u l-iskambju tal-aħjar prattiki bil-ħsieb li jittejjeb it-taħriġ komuni għall-persunal; hu konvint li iżjed koerenza u koeżjoni fuq il-post fir-rigward tal-persunal se jsaħħu t-tmexxija tal-missjonijiet u jiffaċilitaw ukoll l-issekondar ta' ċittadini tal-UE, li, minn perspettiva purament baġitarja, aħjar milli jintuża persunal internazzjonali b'kuntratt;

31.

Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni jintensifikaw sehem l-UE f'negozjati multilaterali sabiex titnaqqas l-importanza tal-armi nukleari;

32.

Itenni l-ħtieġa għad-diżarm u għal garanziji internazzjonali msaħħa ta' nonproliferazzjoni; f'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-4 ta' Diċembru 2009 li biha l-President tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-President tal-Federazzjoni Russa impenjaw ruħhom li jibqgħu jaħdmu flimkien wara li ma jibqax jgħodd it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START) u jistenna b'ħerqa li mill-aktar fis possibbli jiġi ffirmat u jidħol fis-seħħ patt ġdid dwar l-armi strateġiċi; fl-istess żmien, jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu l-isforzi diplomatiċi tagħhom sabiex issir reviżjoni b'suċċess tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari f'Mejju 2010;

33.

Jenfasizza l-importanza tal-fatt li l-objettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba jkunu integrati b'mod sħiħ mal-ippjanar u mat-twettiq tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha tal-PSDK, inklużi missjonijiet ta' sejbien ta' fatti, għax il-kuxjenza u s-sensittività tas-sessi jikkontribwixxu għall-effikaċja operattiva u l-kuxjenza tas-sitwazzjoni; f'dan il-kuntest, jilqa' l-ħatra ta' konsulent dwar kwistjonijiet tas-sessi fi kważi l-missjonijiet kollha tal-PSDK; jiddispjaċih li m'hemmx nisa fost il-11-ir RSUE; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex fid-djalogu politiku tal-UE u fid-diskussjonijiet ta' politika mal-pajjiżi msieħba tinkludi sistematikament l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tar-rwol tan-nisa;

34.

Ifaħħar ir-rwol importanti tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-fatt li l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, fil-laqgħa tiegħu tat-8 ta' Diċembru 2009, fisser l-impenn tiegħu li jappoġġja lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, permezz ta' laqgħat pubbliċi magħhom u billi jippubbliċizzaw l-attivitajiet tagħhom;

35.

Jistieden lill-Kunsill sabiex jinkludi l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-governanza tajba fil-mandati tar-RSUE u sabiex jaħtru konsulenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u dwar il-governanza tajba għal pożizzjonijiet tal-persunal tar-RSUE;

Prijoritajiet ewlenin fiż-żoni ġeografiċi

36.

Jirrakkomanda li l-UE għandha ssaħħaħ id-djalogu politiku tagħha ma’ pajjiżi u reġjuni terzi, b’mod partikulari ma’ msieħba strateġiċi li magħhom tista' tikkoordina pożizzjonijiet fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u tippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; f'dan ir-rigward, itenni r-rwol importanti tad-diplomazija parlamentari bħala għodda supplimentari fir-relazzjonijiet tal-Unjoni ma' pajjiżi u reġjuni terzi; għaldaqstant hu tal-fehma li l-Viċi President/Rappreżentant Għoli u s-servizzi tagħha inklużi r-RSUE għandhom jaħdmu mal-Parlament sabiex ifasslu strateġiji komuni lejn pajjiżi u reġjuni msieħba u għandhom ikunu disponibbli sabiex jassistu l-Parlament bil-fomm u bil-miktub rigward kwistjonijiet u żjajjar speċifiċi;

37.

Jitlob lill-Kunsill, l-Istati Membri u l-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex b'mod attiv ifittxu soluzzjonijiet paċifiċi għal kunflitti internazzjonali u biex isaħħu l-mekkaniżmi tal-prevenzjoni tal-kunflitti tal-UE;

Organizzazzjonijiet internazzjonali

38.

Jenfasizza li n-Nazzjonijiet Uniti hi l-garanti prinċipali tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u l-aktar qafas komprensiv għall-kooperazzjoni multilaterali; huwa tal-fehma li t-tisħiħ tal-governanza globali, l-istituzzjonijiet internazzjonali u r-rispett għal-liġi internazzjonali huma ta' importanza kbira għall-multilateraliżmu effettiv, u li għalhekk għandhom ikunu prijorità strateġika importanti għall-Unjoni; iqis li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex japprofondixxu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma' msieħba strateġiċi b'influwenza dinjija, b'mod partikolari fin-Nazzjonijiet Uniti; f'dan is-sens, jisħaq fuq l-urġenza li jiġu indirizzati kwistjonijiet globali ta' tħassib komuni għall-istabilità tal-UE u tad-dinja, bħalma huma t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, is-sigurtà enerġetika, it-tibdil fil-klima, il-kisba b'suċċess tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju u l-qerda tal-faqar, l-immaniġġjar tal-kriżijiet, il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, in-nonproliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa u d-diżarm, l-immaniġġjar tal-migrazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili;

39.

Iqis li hu essenzjali li d-delegazzjonijiet relevanti tal-UE fil-kwartieri ġenerali fi New York u f'Ġinevra jingħataw l-għodda adekwati, f'termini ta' mezzi u ta' persunal, sabiex ikunu jistgħu b'mod kredibbli u effettiv joffru fil-prattika l-arranġamenti istituzzjonali ġodda skont it-Trattat ta' Lisbona; jinnota bi tħassib, għaldaqstant, li approċċ ta' newtralità baġitarja jmur kontra din il-ħtieġa urġenti li b'ħeffa u effiċjenza tiġi stabbilita l-preżenza tal-UE fin-NU waqt il-fażi inizjali tal-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona;

40.

Jemmen li l-OSKE tipprovdi qafas importanti biex terġa' tinkiseb il-fiduċja u tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Ewropa, tal-Asja Ċentrali u tal-Amerika ta' Fuq fuq għadd ta' kwistjonijiet, inklużi n-nonproliferazzjoni, id-diżarm, il-kooperazzjoni ekonomika u l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; għalhekk jappoġġja t-tisħiħ tal-OSKE anke fis-sens li tinfetaħ id-diskussjoni biex tingħata personalità legali;

41.

Bla ħsara għall-obbligi internazzjonali tal-UE skont il-Karta tan-NU, hu tal-fehma li l-UE u n-NATO għandhom jiżviluppaw sħubija aktar intensa u effettiva, li tqis l-iżvilupp progressiv tal-politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE filwaqt li tirrispetta l-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet; għal dan il-għan, jirrakkomanda reviżjoni tal-hekk imsejħa arranġamenti Berlin-Plus u l-iżvilupp ta' djalogu aktar strateġiku dwar l-interessi strateġiċi komuni u l-ippjanar ta' kontinġenza; iħeġġeġ il-faċilitazzjoni ta' kooperazzjoni prattika aktar wiesgħa fil-post fil-livell militari u ċivili, b'mod partikulari meta ż-żewġ organizzazzjonijiet joperaw fl-istess teatru ta' missjonijiet; jikkundanna f'dan ir-rigward il-ġlieda kontinwa bejn it-Turkija u Ċipru li qed tfixkel iżjed u iżjed l-effikaċja u l-kredibilità kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO;

Relazzjonijiet Transatlantiċi

42.

Itenni l-impenn tiegħu għas-sħubija transatlantika bħala element importanti u wieħed mill-pilastri ewlenin tal-azzjoni esterna tal-UE; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tiżgura li l-UE taġixxi ta' sieħba koerenti, attiva, ugwali u madankollu awtonoma tal-Istati Uniti fit-tisħiħ tas-sigurtà u tal-istabilità dinjija, fil-promozzjoni tal-paċi u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u s-suċċess tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, u fl-adozzjoni ta' approċċ magħqud fl-iffaċċjar ta' sfidi dinjija bħall-proliferazzjoni nukleari, it-terroriżmu, it-tibdil fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija; hu tal-fehma li t-Trattat ta' Lisbona joffri opportunità propizja għal titjib u tiġdid tal-qafas tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex taħdem lejn it-tisħiħ tal-mekkaniżmi istituzzjonali tal-UE u tal-Istati Uniti skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament; jenfasizza li x-xogħol tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku għandu bżonn jissaħħaħ biex jintlaħaq l-għan ta' suq transatlantiku ġenwin u integrat, u li suq bħal dan għandu jipprovdi l-bażi għal sħubija transatlantika rinfurzata; jappoġġja bil-qawwa d-Djalogu Tranżatlantiku tal-Leġiżlaturi fl-isforz wiesa’ tiegħu biex joħloq relazzjonijiet effettivi tat-tip leġiżlatur lil leġiżlatur bejn il-PE u l-Kungress tal-Istati Uniti;

43.

Jistieden liż-żewġ imsieħba, l-UE u l-Istati Uniti, sabiex jinkoraġġixxu liċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja, il-Brażil u setgħat emerġenti oħra sabiex jaqsmu bejniethom ir-responsabilità għall-ordni dinji u għall-prevenzjoni u għas-sejba paċifika ta' soluzzjoni għall-kunflitti b'konformità mal-liġi internazzjonali; jinsisti li, filwaqt li l-UE u l-Istati Uniti għandhom joffru appoġġ sħiħ għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' dawn il-pajjiżi fuq il-bażi ta' kooperazzjoni ġusta, dawn il-pajjiżi għandhom ukoll jaċċettaw ir-responsabilitajiet globali tagħhom speċjalment għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u għall-iżvilupp sostenibbli;

Il-Balkani tal-Punent

44.

Jenfasizza li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma parti mill-proċess ta' tkabbir; iqis li l-istabilità fil-Balkani tal-Punent ibbażata fuq l-istat ta' dritt għandha tibqa' prijorità ewlenija tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u għaldaqstant jorbot l-akbar importanza mal-isforzi biex il-pajjiżi ta' dak ir-reġjun joqorbu lejn l-UE, bl-għan komuni ta' integrazzjoni Ewropea inter alia permezz tal-promozzjoni ta' riformi u titjib fil-kooperazzjoni reġjonali u r-rikonċiljazzjoni interetnika sabiex jiġu ssodisfati l-kriterji ta' Kopenħagen u jkunu ppreparati għall-adeżjoni; jirrakkomanda li għandha ssir konferenza internazzjonali dwar il-futur tal-Balkani tal-Punent, li tgħaqqad il-pajjiżi fir-reġjun u l-atturi reġjunali u globali relevanti sabiex jiġu identifikati u indirizzati l-isfidi attwali li jaffaċċja r-reġjun;

45.

Jinnota b'sodisfazzjon li s-sitwazzjoni fil-Kosovo b'mod ġenerali hi dejjem aktar paċifika u stabbli, kif ukoll l-isforzi għall-bini ta' soċjetà multietnika, kif muri permezz tal-elezzjonijiet lokali li saru fil-15 ta' Novembru 2009, b'mod kalm u bl-ordni; huwa konxju li mhux l-Istati Membri kollha rrikonoxxew l-indipendenza tal-Kosovo; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-missjoni EULEX għall-istat tad-dritt fil-Kosovo, li hi l-akbar missjoni ċivili tal-PSDK imnedija s'issa fl-UE, qed taħdem b'kapaċità operattiva sħiħa fuq il-bażi tal-approċċ ta' status newtrali tan-Nazzjonijiet Uniti; jenfasizza l-importanza tal-missjoni fil-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni interetnika, l-istat tad-dritt, l-ordni pubbliku u s-sigurtà fil-Kosovo kollu kemm hu, permezz ta' assistenza lill-istituzzjonijiet, l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tal-Kosovo fil-progress tagħhom lejn is-sostenibilità u r-responsabbilizzazzjoni; f'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-ftuħ ta' uffiċċju ieħor tal-UE fit-Tramuntana; madankollu, jinnota l-ħtieġa li jiżdied l-għadd ta' prosekuturi li jaħdmu mal-EULEX, u jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprovdu persunal addizzjonali;

46.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jissokta bl-isforzi tiegħu, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, biex jissokta d-djalogu mal-mexxejja politiċi fil-Bosnja-Ħerzegovina biex dak il-pajjiż u l-popli tiegħu jiġu megħjuna jibqgħu fit-triq li twassal għall-integrazzjoni Ewropea; konsegwentement jinnota l-isforzi diplomatiċi konġunti mill-Presidenza tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea u l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti, u jirrakkomanda aktar negozjati li jqisu arranġamenti preċedenti bejn il-politiċi fil-Bosnja-Ħerzegovina; ifakkar fil-ħtieġa li d-deputati u s-soċjetà ċivili jkunu involuti aktar mill-qrib fl-appoġġ għal pajjiż vijabbli;

Sħubija tal-Lvant, kooperazzjoni tal-Baħar l-Iswed

47.

Ikompli jappoġġa l-iżvilupp tas-Sħubija tal-Lvant mal-ġirien Ewropej tal-Unjoni, filwaqt li jintegrahom ekonomikament fis-suq intern u jintensifika l-kooperazzjoni politika, ekonomika u kulturali; jenfasizza l-importanza li din is-sħubija tiġi pprovduta bi proġetti kredibbli u l-importanza ta' inċentivi tanġibbli għal riforma fuq medda ta' żmien medja u twila, li ssaħħaħ l-impenn tas-soċjetajiet fil-pajjiżi msieħba għall-proċess ta' modernizzazzjoni u integrazzjoni mal-UE; b'mod partikolari, isemmi l-ħtieġa, li filwaqt li tinżamm is-sigurtà għaċ-ċittadini kollha tal-UE, jitneħħew b'mod progressiv l-ostakoli kollha għall-moviment ħieles tal-persuni (anke, eventwalment, l-ivvjaġġar mingħajr viża) u sabiex titjieb il-kooperazzjoni fl-aspetti kollha tas-sigurtà, b'mod speċjali s-sigurtà enerġetika; itenni l-fehma tiegħu li s-sħubija jeħtieġ tingħata riżorsi finanzjarji adegwati; jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li s-Sħubija tkun kumplimentari mal-inizjattivi reġjonali, b'mod partikolari s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed;

48.

Jerġa' jafferma l-importanza għall-UE ta' kooperazzjoni reġjonali iżjed effettiva fil-Viċinat tal-Lvant, li fl-ispirtu tagħha l-UE se tappoġġa l-implimentazzjoni ta' proġetti mitfugħa fuq ir-riżultati kemm skont is-Sħubija tal-Lvant kif ukoll is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed, b'kumplimentarjetà sħiħa;

49.

Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex iżżid l-isforzi biex jiġu implimentati proġetti taħt is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed; iħeġġeġ ukoll lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex tiżviluppa ideat ġodda għal Strateġija ta' Kooperazzjoni effettiva tal-Baħar l-Iswed;

50.

Jilqa' l-pożizzjoni pro-Ewropea tal-gvern il-ġdid tar-Repubblika tal-Moldova u jesprimi t-tama tiegħu li r-riformi interni tal-pajjiż jitħaffu b'tali mod li jinkisbu l-integrazzjoni ekonomika, l-assoċjazzjoni politika u l-approssimazzjoni istituzzjonali bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-UE; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex jidentifika s-soluzzjonijiet multilaterali biex titranġa s-sitwazzjoni fit-Transnistrija;

51.

Jinnota li saru l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Ukraina, u r-riżultat taħghom; jistieden lill-partijiet kollha biex jikkontribwixxu għall-istabbiltà politika, ekonomika u soċjali meħtieġa fl-Ukraina billi jsaħħu l-isforzi ta' riforma; jinkoraġġixxi lill-pajjiż biex jikseb interoperabilità akbar mal-Unjoni Ewropea, biex b'hekk tiġi kkonsolidata l-prospettiva Ewropea tagħha;

Russja

52.

Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tiżgura li l-approċċ tal-UE lejn ir-Russja, inklużi n-negozjati ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ġdid, ikun koerenti u mmexxi minn impenn lejn il-valuri tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż id-dritt internazzjonali; jenfasizza fl-istess ħin il-ħtieġa għal sħubija bi spinta ġdida mar-Russja, ibbażata fuq ir-rispett reċiproku u r-reċiproċità, dwar il-kwistjonijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, is-sigurtà u l-provvista tal-enerġija, it-tibdil fil-klima, id-diżarm, il-prevenzjoni tal-kunflitti u nonproliferazzjoni nukleari kif ukoll fir-rigward tal-Iran, l-Afganistan u l-Lvant Nofsani, bil-għan li jissaħħu s-sigurtà u l-istabilità dinjija; huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni dwar tali kwistjonijiet għandha tifforma l-bażi għal ftehim ġdid bejn l-UE u r-Russja, u għalhekk jistenna bil-ħerqa progress mgħaġġel fin-negozjati attwali dwar ftehim komprensiv ġdid li hu mistenni li jkabbar sostanzjalment ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex tikkoordina l-azzjonijiet, tiffaċilita l-konsultazzjoni u ttejjeb il-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward ta' kwistjonijiet bilaterali ta' interess komuni mal-Federazzjoni Russa; jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri biex jikkoordinaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Federazzjoni Russa fuq il-bażi tal-interessi ġenerali tal-Unjoni u b'tali mod li jirriflettu u jippromwovu dawn l-interessi b'mod adegwat u konsistenti;

Kawkasu tan-Nofsinhar

53.

Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jinsisti dwar l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied bejn il-Federazzjoni Russja u l-Ġeorġja u jistieden lill-UE sabiex tħares il-prinċipju tal-integrità territorjali tal-Ġeorġja u r-rispett tal-minoranzi; jilqa' b'sodisfazzon it-tiġdid tal-mandat tal-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE u jħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jiżgura li s-superviżuri tal-UE jingħataw aċċess sħiħ għaż-żoni kollha milquta mill-kunflitt inklużi r-reġjuni tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar li nqatgħu mill-bqija tal-pajjiż, u għal dan il-għan, biex jużaw l-istrumenti finanzjarji tal-UE biex jgħinu l-popolazzjonijiet fiż-żona kollha li tinsab f'kunflitt; jistieden lill-UE, b'referenza għar-rapport tal-Missjoni Internazzjonali Indipedenti għat-Tiftix tal-Fatti dwar il-Kunflitt fil-Ġeorġja, sabiex jużaw il-lezzjonijiet tal-passat sabiex jiżviluppaw mekkaniżmi effettivi ta' prevenzjoni tal-kunflitti inkluża l-promozzjoni ta' kuntatti interpersonali;

54.

Iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli sabiex tintensifika l-isforzi tal-UE f'ħidma għal prevenzjoni effettiva tal-kunflitti u riżoluzzjoni paċifika skont id-dritt internazzjonali tal-kunflitti f'Nagorno-Karabakh u fi Transnistria u fuq kollox, il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ġeorġja u r-reġjuni tal-Ossezja tan-Nofsinhar u tal-Abkażja li nqatgħu minn mal-pajjiż billi tingħata spinta ġdida lit-taħditiet ta' Ġinevra; jisħaq fuq il-potenzjal perikoluż ta' tixrid ta' kunflitti ffriżati fir-reġjun; f'dan il-kuntest, jirrakkomanda t-twaqqif ta' Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, li tiġbor il-pajjiżi kkonċernati u l-atturi reġjonali u globali relevanti, bil-għan li jiġi żviluppat Patt ta' Stabilità għall-Kawkasu tan-Nofsinhar; jilqa' b'sodisfazzjon l-avviċinament reċenti bejn il-gvernijiet tat-Turkija u tal-Armenja, u jħeġġeġ ir-ratifika tal-ftehimiet mill-parlamenti rispettivi tagħhom;

Lvant Nofsani

55.

Jenfasizza l-ħtieġa li n-negozjati għall-Proċess tal-Paċi jitwettqu fi żmien limitat u fi klima ta' fiduċja reċiproka; iqis li l-għan tagħhom għandu jkun il-ħolqien ta' Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku u vijabbli fi ħdan il-fruntieri tal-1967, li jgħix bieb ma' bieb mal-Istat ta' Iżrael fil-paċi u s-sigurtà bi fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment b'konformità mar-riżoluzzjonijiet kollha relevanti tan-NU;

56.

Jistieden lill-UE, b'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2009, biex tassumi rwol politiku aktar b'saħħtu fl-isforzi internazzjonali li għaddejjin bħalissa għat-tnedija tal-Proċess ta' Paċi, proporzjonali mal-impenn finanzjarju tagħha li tappoġġja l-irkupru ekonomiku Palestinjan u li tindirizza l-kriżi umanitarja drammatika f'Gaża; jistieden lill-Viċi-President/Rappreżentant Għoli sabiex tikkunsidra l-mezzi kollha għall-promozzjoni ta' paċi dejjiema fir-reġjun;

57.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-mandat tal-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS) sa Diċembru 2010; jemmen li jinħtieġ appoġġ aktar robust għall-iżvilupp tal-istat tad-dritt u tal-kapaċitajiet tal-pulizija, u jitlob li jkun hemm sforzi intensifikati f'dan ir-rigward; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-mandat tal-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntiera tal-UE f'Rafah (EUBAM Rafah) u d-determinazzjoni u d-dispożizzjoni tiegħu li jerġa' jattiva dik il-missjoni; jemmen li din id-determinazzjoni għandha tirriżulta f'inizjattivi konkreti sabiex jerġa' jiġi stabbilit il-moviment ħieles fit-Territorji Palestinjani u sabiex jerġa' jiġi attivat il-Ftehim dwar l-Aċċess u l-Moviment, innegozjat fl-2005, li kienu ffirmaw il-partijiet;

Unjoni għall-Mediterran

58.

Iqis li hu importanti li jiġi intensifikat id-djalogu politiku bejn il-membri tal-Unjoni għall-Mediterran fil-livelli kollha sabiex jintrebħu t-tensjonijiet li ħolqu dewmien fit-twaqqif tas-Segretarjat ibbażat f'Barċellona u l-promozzjoni ta' proġetti konkreti ta' interess soċjali, ekonomiku u ekoloġiku reċiproku; jittama li l-Unjoni għall-Mediterran tista' tikkontribwixxi b'mod pożittiv għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-Lvant Nofsani, l-avviċinament bejn it-Turkija u Ċipru, u l-iżvilupp demokratiku tal-istati Għarab;

59.

Jemmen li l-Unjoni għall-Mediterran tista’ tikkontribwixxi biex jitnaqqsu t-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani billi jiġu promossi proġetti ta’ koperazzjoni konkreti għar-reġjun kollu; fl-istess ħin, jenfasizza li l-miżuri għall-bini tal-fiduċja bejn il-Palestinjani u l-Iżraeljani bil-għan li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema fil-Lvant Nofsani huma tal-akbar importanza biex jiġi ffaċilitat il-funzjonament xieraq ta’ din l-istituzzjoni ġdida;

60.

Jenfasizza li, minn perspettiva tal-UE, il-kopresidenza trid tkun kumpatibbli mar-rappreżentanza esterna tal-UE skont it-Trattat ta' Lisbona; ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona jipprovdi opportunità għall-UE li tiżgura konsistenza, koerenza u kontinwità fir-rappreżentanza tagħha fl-istituzzjonijiet il-ġodda tal-Unjoni għall-Mediterran;

Asja

61.

Jinnota li l-Afganistan wara l-elezzjonijiet issa dieħel f'perjodu deċiżiv u kritiku, bil-formazzjoni ta' gvern ġdid f'Kabul li jipprovdi l-opportunità li tinħoloq aġenda ġdida u kuntratt ġdida mal-poplu Afgan;

62.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill għal azzjoni msaħħa tal-UE fl-Afganistan u fil-Pakistan, adottat fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta' Ottubru 2009, u fid-dikjarazzjoni tiegħu tad-dispożizzjoni mġedda tiegħu li jgħin sabiex jintlaqgħu l-isfidi tar-reġjun, f'kooperazzjoni mal-pajjiżi konċernati u l-imsieħba internazzjonali, iżda jenfasizza li l-Pjan se jibqa' biss pjan sakemm ma jkunx hemm impenn ċar mill-Istati Membri tal-UE li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Presidenza sabiex jagħmlu sforz għalenija biex jimplimentaw il-Pjan mingħajr dewmien; iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jagħmel aktar progress lejn l-iskjerar sħiħ ta' persunal fil-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġu stabbiliti arranġamenti sostenibbli u effettivi tal-pulizija ċivili li jkunu kapaċi jtejbu l-ambjent tas-sigurtà;

63.

Jirrikonoxxi li l-Pakistan għadu qed jiffaċċja sfidi serji ħafna, u japprova l-appoġġ sod tal-UE għal gvern tal-Pakistan b'saħħtu, sekulari u ċivili; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-Pakistan fir-reġjun u jtenni li Pakistan stabbli, demokratiku u għani huwa wkoll ċentrali għall-indirizzar ta' kwistjonijiet globali bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni nukleari, il-ġlieda kontra d-drogi u d-drittijiet tal-bniedem, u jħeġġu bis-sħiħ li jadotta strateġija komprensiva sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu u jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tiegħu;

64.

Japprova l-impenn tal-UE li tappoġġa d-demokrazija f'Iraq federali, magħqud; jenfasizza l-appoġġ tiegħu għall-impenn b'saħħtu u kontinwu tal-UE għall-iżvilupp tal-istat tad-dritt fl-Iraq, u jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-mandat tal-missjoni EUJUST LEX għal sena u l-attivitajiet pilota tagħha fit-territorju tal-Iraq; jistenna b'ħerqa x-xogħol ulterjuri maħsub f'dan il-kuntest, kif imwiegħed mill-Kunsill; jitlob interazzjoni istituzzjonali miżjuda, b'mod partikolari fi kwistjonijiet ekonomiċi mal-awtoritajiet tal-Gvern Reġjonali Kurd; jitlob lill-Kummissjoni biex tgħaġġel il-ftuħ tal-bini tagħha stess f'Baghdad;

65.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-iżviluppi politiċi fl-Iran u l-frodi elettorali massiva rrappurtata matul l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ġunju 2009, li qajmet l-ikbar moviment ta' protesta fit-30 sena ta' storja tar-Repubblika Iżlamika, b'dimostrazzjonijiet u ripressjoni vjolenti mill-forzi tas-sigurtà li għadhom għaddejjin; jinsab imħasseb sew mhux biss dwar l-arresti, it-tortura u l-qtil ta' avversarji politiċi imma wkoll dwar il-qagħda wieqfa kontinwa fin-negozjati dwar il-programm nukleari tal-Iran, u jitlob lill-Gvern Iranjan biex jieħu sehem f'negozjati serji dwar il-kwistjoni nukleari; jisgħobbih li ż-żjara mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Iran f'Jannar 2010 ġiet ikkanċellata mill-awtoritajiet Iranjani u esprima s-solidarjetà tiegħu ma' dawk l-Iranjani li, filwaqt li qed jirriskjaw ħajjithom, ikomplu jeżiġu b'mod pubbliku li jkun hemm rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u libertajiet demokratiċi ikbar fl-Iran; jikkundanna l-isforzi tal-Iran biex jibblokka l-libertà tal-informazzjoni billi jwaqqaf ix-xandir barrani u l-Internet; jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex iqisu sanzjonijiet kontra membri individwali tal-amministrazzjoni u s-servizzi tas-sigurtà responsabbli għall-ksur kbir tad-drittijiet tal-bniedem u biex joħolqu miżuri ħalli jappoġġjaw lil dawk il-parteċipanti fil-“Moviment Aħdar” li jsofru l-persekuzzjoni u/jew l-eżilju;

66.

Jinnota l-fatt li r-relazzjonijiet ekonomiċi UE-Ċina għaddew minn tkabbir gradwali u li l-kuntatti bejn il-popli kibru fl-iskop u l-iskala; fl-istess ħin, jibqa' mħasseb sew dwar in-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-awtoritajiet Ċiniżi li jittrattaw każijiet numerużi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li jiżguraw li l-poplu jgawdi minn drittijiet u libertajiet bażiċi;

67.

Jesprimi l-istennija li se tiġi żviluppata relazzjoni strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina, u jiddikjara x-xewqa tiegħu li jesplora modi li bihom tiġi msaħħa r-relazzjoni fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta' interess reċiproku li jmorru lil hinn mis-setturi ekonomiċi u kummerċjali;

68.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li saru minn Taipei kif ukoll minn Pekin biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn iċ-Ċina kontinentali u t-Tajwan, li jgħinu biex tissaħħaħ l-istabilità u s-sigurtà fl-Asja tal-Lvant, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat biex ikomplu jtejbu d-djalogu, il-kooperazzjoni prattika u l-bini tal-fiduċja; ifaħħar id-dikjarazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Mejju 2009, li ttenni l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni ta' Taiwan fil-WHO; jappoġġja bis-sħiħ il-parteċipazzjoni tat-Tajwan bħala osservatur fl-organizzazzjonijiet u l-attivitajiet internazzjonali relevanti bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, fejn il-parteċipazzjoni tat-Tajwan hija importanti għall-UE u l-interessi globali;

69.

Jerġa' jafferma l-appoġġ qawwi tiegħu għat-tisħiħ tar-relazzjoni strateġika bejn l-UE u l-Indja, u biex jinstabu mezzi oħra biex titjieb ir-relazzjoni f'oqsma ta' interess reċiproku fis-setturi ekonomiċi, politiċi, tas-sigurtà u tal-kummerċ;

70.

Jirrikonoxxi r-rwol dejjem jikber tal-ASEAN bħala qawwa għall-istabilità u l-prosperità reġjonali; jemmen li l-Unjoni u l-ASEAN, li t-tnejn għandhom impenn għall-integrazzjoni reġjonali, għandhom potenzjal kbir għall-kooperazzjoni; jinnota li hemm bżonn ta' miżuri biex jiżdiedu r-relazzjonijiet ekonomiċi u tal-kummerċ bejn l-Unjoni u l-ASEAN sabiex jgħinu ħalli jikkonsolidaw ir-relazzjonijiet globali bejn iż-żewġ reġjuni u jħeġġu iżjed progress rigward il-kooperazzjoni u s-sigurtà politika, it-titjib tad-drittijiet tad-demokrazija u tal-bniedem u iżjed progress fil-qasam tal-enerġija u tal-ambjent, fil-qasam soċjokulturali u fil-qasam ta' kooperazzjoni u żvilupp;

Afrika

71.

Josserva b'sodisfazzjon li l-operazzjoni EUNAVFOR Atalanta għadha tikkontribwixxi b'suċċess għas-sigurtà marittima 'l barra mill-kosta tas-Somalja billi tħares il-bastimenti mikrija lill-Programm Dinji tal-Ikel li jwasslu l-għajnuna lis-Somalja, il-bastimenti li jipprovdu merkanzija kritika għall-operazzjoni tal-Unjoni Afrikana għall-appoġġ tal-paċi fis-Somalja, u bastimenti vulnerabbli oħrajn; jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-mandat tal-operazzjoni sat-12 ta' Diċembru 2010; jesprimi l-appoġġ tiegħu għat-tnedija ta' operazzjoni tal-ġestjoni tal-kriżijiet biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Gvern Federali Tranżitorju tas-Somalja; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-forzi tas-sigurtà mħarrġa jiġu integrati fl-istrutturi tal-istat u tal-kmand biex ġaladarba jmorru lura, ma jdurux kontra l-gvern li suppost ikunu qed jipproteġu;

Amerika Latina

72.

Ifakkar għal darba oħra fil-proposta magħmula fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2001 dwar is-sħubija globali u l-istrateġija komuni għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina (6), sussegwentement imtennija fir-riżoluzzjonijiet tas-27 ta' April 2006 (7) u l-24 ta' April 2008 (8) rispettivament adottati fl-isfond tas-Samits bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew fi Vjenna u f'Lima, biex issir Karta għall-Paċi u s-Sigurtà Ewro-Latino-Amerikana li, fuq il-bażi tal-Karta tan-NU, tippermetti azzjonijiet u inizjattivi konġunti relatati mal-politika, l-istrateġija u s-sigurtà; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jieħdu passi attivi biex iwettqu dan l-għan ambizzjuż u biex jappoġġjaw din il-proposta fis-Samit li jmiss bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew, li se jsir f'Mejju 2010 f'Madrid;

73.

Iqis li n-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali kif ukoll progress lejn neġozjati mġedda dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-MERCOSUR huma kwistjonijiet ta’ prijorità; jinnota li n-negozjati dwar il-Ftehim Multilaterali mal-pajjiżi tal-Komunità Andina ġew konklużi; se jagħmel ħiltu biex iwettaq bl-eżattezza dovuta l-proċedura ta’ ratifika parlamentari fuq dawn il-ftehimiet bil-għan li jiżgura li jkollhom impatt pożittiv fuq l-aspetti kollha ta’ interess reċiproku;

*

* *

74.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lill-President fil-kariga tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni Ewropea tal-Punent, lill-President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  Testi adotatti, P6_TA(2008)0254.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2009)0074.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2009)0057.

(5)  ĠU C 298, 30.11.2002, p. 1.

(6)  ĠU C 140 E, 13.6.2002, p. 569

(7)  ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 123.

(8)  Testi adotatti, P6_TA(2008)0177.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/63


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
L-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea fil-kuntest tal-ESDP

P7_TA(2010)0061

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea fil-kuntest tal-ESDP (2009/2198(INI))

2010/C 349 E/13

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Protokolli 10 u 11,

wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea (ESS) intitotala “Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar”, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà bl-isem “Niżguraw is-sigurtà f'dinja dejjem tinbidel”, adottat mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2008,

wara li kkunsidra r-rapporti mill-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar il-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (PESD) tad-9 ta' Diċembru 2008 u s-16 ta' Ġunju 2009,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-PESD u d-dikjarazzjoni intitolata “Għaxar Snin ta' PESD – Sfidi u Opportunitajiet ”, adottata mill-Kunsill fis-17 ta' Novembru 2009,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar dan is-suġġett, b'mod partikolari dik tal-14 ta' April 2005 dwar l-istrateġija Ewropea ta' sigurtà (1), dik tas-16 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea ta' sigurtà fil-kuntest tal-PESD (2), dik tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea ta' sigurtà u l-PESD (3), u dik tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-istrateġija Ewropea ta' sigurtà u l-PESD (4),

wara li kkunsidra ir-Riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar ir-rwol tan-NATO fl-istruttura ta' sigurtà tal-UE (5);

wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar soluzzjoni politika rigward il-problema tal-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja (6),

wara li kkunsidra l-iskambju ta' ittri bejn l-UE u l-Gvernijiet tal-Kenja u tar-Repubblika tas-Seychelles, rigward it-trasferiment lejn dawn il-pajjiżi tal-persuni suspettati b'piraterija u serq armat arrestati mill-EUNAVFOR fiż-żona tal-operazzjoni,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar l-aspetti istituzzjonali tal-ħolqien tas-servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0026/2010),

Strateġija tas-Sigurtà Ewropea: approċċ komprensiv

1.

Ifakkar li l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà (ESS) u r-rapport ta' implimentazzjoni tagħha jenfasizzaw it-theddid u l-isfidi ewlenin li trid tiffaċċja l-Unjoni Ewropea:

it-tixrid tal-armi ta' qerda tal-massa,

it-terroriżmu u kriminalità organizzata,

il-kunflitti reġjonali,

il-falliment statli,

il-piraterija marittima,

l-armi żgħar u l-armamenti ħfief, il-mini u l-munizzjon tat-tip cluster,

is-sigurtà tal-enerġija,

l-impatt tal-bidla fil-klima u d-diżastri naturali,

is-sigurtà ċibernetika,

il-faqar;

2.

Jenfasizza li, permezz tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (CFSP) u l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (CSDP), l-Unjoni Ewropea qed tieħu passi biex tindirizza l-isfidi u t-theddid identifikati fl-ESS, biex b'hekk tgħin biex tittejjeb is-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej;

3.

Jenfasizza li l-Unjoni għandha ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha permezz ta' politika barranija, ta' sigurtà u ta' difiża b'saħħitha u effettiva, sabiex tippreserva l-paċi, tipprevjeni l-kunflitti, issaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, tħares is-sigurtà taċ-ċittadini tagħha u ċ-ċittadini kkonċernati mill-missjonijiet CSDP, tiddefendi l-interessi tagħha fid-dinja u żżomm il-valuri bażiċi tagħha, filwaqt li tikkontribwixxi għal multilateraliżmu effettiv b'appoġġ tal-liġi internazzjonali u żżid ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri demokratiċi madwar id-dinja, bi qbil mal-objettivi msemmija fl-Artikolu 21(2)(e) tat-TUE, mal-iskopijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mal-prinċipji tal-Att Finali ta' Helsinki u mal-għanijiet tal-Karta ta' Pariġi, inklużi dawk relatati mal-fruntieri esterni;

4.

Jisħaq fuq il-fatt li r-responsabilità primarja għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fid-dinja taqa’ fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jtenni l-ħtieġa li ssir riforma tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bil-għan li ssir aktar kapaċi teżerċita l-funzjonijiet tagħha u tipprovdi soluzzjonijiet effettivi għall-isfidi u t-theddidiet globali;

5.

Jirrikonoxxi l-bżonn li l-Unjoni taħdem favur dawn l-għanijiet billi ssaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tagħha stess biex tirrispondi għal dawn l-isfidi u permezz ta' kooperazzjoni multilaterali fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali u flimkien magħhom, b'mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, u dawk reġjonali –b’mod partikulari l-OSCE u l-Unjoni Afrikana – u li dan iseħħ b’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

6.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Unjoni biex tindirizza t-theddid u l-isfidi billi tiżviluppa approċċ komprensiv u proattiv li jkun magħmul minn sinerġija tad-diversi mezzi ta' azzjoni, kemm ċivili kif ukoll militari, li jinsabu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha; il-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, l-assistenza finanzjarja u l-koperazzjoni għall-iżvilupp, il-politiki soċjali u ambjentali, l-istrumenti diplomatiċi u tal-politika kummerċjali u t-tkabbir; jenfasizza li din il-kordinazzjoni tal-mezzi ċivili u militari tagħti valur miżjud reali lill-politika tal-Unjoni rigward kif tiffaċċja s-sitwazzjonijiet ta' kriżi;

7.

Jitlob f'dan il-kuntest lill-Istati Membri biex jikkoordinaw b'mod iktar effikaċi l-istrateġiji nazzjonali u l-mezzi ta' azzjoni tagħhom ma' dawk tal-Unjoni sabiex jiżguraw koerenza, effettività kif ukoll impatt u viżibilità ikbar;

8.

Jappoġġja, b'konnessjoni mal-azzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, li jiġi segwit l-approċċ ibbażat fuq l- istrateġija kontra t-terroriżmu tal-UE u l-istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-Internet għall-finijiet tat-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni; jipproponi li jiġi stimulat dibattitu dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b’attenzjoni speċjali għall-vittmi;

9.

Jagħraf li s-sigurtà tal-enerġija hija kruċjali għall-funzjonament tal-Istati Membri tal-UE u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkoperaw mill-qrib fuq dan l-element tal-politika tas-sigurtà;

10.

Jilqa’ l-isforzi li qed jagħmlu l-Istati Membri biex jikkumbattu t-theddid ċibernetiku; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex joffru analiżi tal-isfidi ta' natura ċibernetika u miżuri għal reazzjoni effiċjenti u koordinata għal theddid bħal dan ibbażati fuq l-aħjar prattiki li, fil-ġejjieni, jwasslu għal Strateġija Ewropea ta' Sigurtà Ċibernetika;

11.

Itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu li ssir reviżjoni regolari tal-ESS, kull ħames snin, b’mod li taħbat mal-bidu ta' mandat parlamentari ġdid u wara konsultazzjoni xierqa mal-Parlament Ewropew;

12.

Jenfasizza li White Paper li tippermetti l-ħolqien ta' dibattitu pubbliku b’firxa wiesgħa tkun tista' ssaħħaħ il-viżibilità tas-CSDP u żżid il-koperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża permezz ta' definizzjoni aktar ċara tal-għanijiet u l-interessi ta' sigurtà u ta' difiża tal-Unjoni, u għalhekk ittejjeb l-effikaċja u l-konkretezza tal-implimentazzjoni tal-ESS kif ukoll l-ippjanar u t-tmexxija tal-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet tal-Unjoni;

Trattat ta' Lisbona u Strutturi tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni

13.

Jistieden lill-Kunsill biex fl-2010 iniedi dibattitu sostanzjali mal-Parlament Ewropew u mal-parlamenti nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tas-CSDP, inklużi:

a.

il-klawsola ta' assistenza reċiproka f'każ ta' attakk armat f'territorju ta' Stat Membru,

b.

il-klawsola ta' solidarjetà f'każ ta' attakk terroristiku jew ta' diżastru, naturali jew ikkaġunat mill-bniedem;

c.

ir-rwol ta' viċi-president tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, appoġġjat mit-twaqqif ta' servizz Ewropew għall-azzjoni esterna (EEAS) li jinkludi, b’mod komprensiv, strutturi għall-prevenzjoni tal-kunflitti, għall-ġestjoni tal-kriżijiet u għall-bini tal-paċi,

d.

iż-żieda fl-ammont ta' missjonijiet fdati lis-CSDP,

e.

il-kooperazzjoni strutturata permanenti għall-Istati Membri li jissodisfaw kriterji ogħla ta' kapaċità militari u li jkunu ħadu impenji ikbar f'dan il-qasam bħala tħejjija għall-iktar missjonijiet esiġenti, kif ukoll il-kooperazzjoni msaħħa,

f.

it-twaqqif ta' fond ta' tnedija għall-attivitajiet preparatorji tal-operazzjonijiet;

14.

Jitlob, wara l-introduzzjoni ta' klawżola dwar l-assistenza reċiproka, kif ifformulat fl-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, biex dawk l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jappartjenu għall-Unjoni Ewropea tal-Punent (WEU) jitterminaw it-Trattat ta' Brussel Emendat tal-1954, inkluża l-Assemblea Parlamentari tal-WEU;

15.

Jistieden lill-Kunsill biex, fid-dawl tal-introduzzjoni ta' klawsola ta' solidarjetà fit-Trattat il-ġdid, jerġa' jiftaħ id-dibattitu dwar it-twaqqif ta' forza Ewropea ta' protezzjoni ċivili, ibbażata b'mod partikolari fuq ir-rapport Barnier ta' Mejju 2006, li l-mezzi tal-Istati Membri tagħmilhom disponibbli reċiprokament sabiex tippermetti reazzjoni kollettiva effikaċi f'każ ta' diżastri naturali jew ikkaġunati mill-bniedem, iqis li s-CSDP militari għandha wkoll tippermetti li jiġu ffaċċjati dawn ir-riskji ċivili;

16.

Jenfasizza, fid-dawl tal-progress li jippermetti t-Trattat il-ġdid fil-qasam tas-CSDP, il-leġittimità u l-utilità li jitwaqqaf Kunsill tad-Difiża fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, li jkun magħmul mill-ministri tad-difiża, taħt il-presidenza tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, u li jkollu rwol partikolari fiż-żieda tal-kooperazzjoni u fl-armonizzazzjoni u l-integrazzjoni tal-kapaċitajiet militari;

17.

Iqis li l-Viċi President/Rappreżentant Għoli għandha twettaq sforz immedjat favur it-tisħiħ tal-koerenza tal-bosta politiki barranin tal-Unjoni, u li din il-koerenza għandha tiġi riflessa fl-azzjoni permezz ta' rappreżentanti speċjali/kapijiet tad-delegazzjonijiet li jinsabu taħt l-awtorità tagħha u li jkollhom l-awtorità meħtieġa quddiem il-partijiet ikkonċernati u l-komunità internazzjonali;

18.

Jappoġġja t-twaqqif ta' direttorat għall-ġestjoni tal-kriżijiet u għall-ippjanar ċivili u militari (Crisis Management and Planning Directorate - CMPD) sabiex, fil-livell strateġiku, jippjana l-operazzjonijiet ċivili u militari tal-Unjoni u biex jip parteċipa fl-iżvilupp tas-CSDP, partikolarment fir-rigward tal-kapaċità ċivili u militari; jiddispjaċih madankollu li hemm dewmien konsiderevoli fit-twaqqif ta' din l-istruttura l-ġdida; jitlob għal koordinazzjoni mill-qrib fi ħdan l-EEAS bejn, fuq naħa waħda, l-istrutturi tas-CMPD u tas-CSDP u, min-naħa l-oħra, il-pjattaforma tal-kriżijiet u s-servizzi rilevanti l-oħra tal-Kummissjoni, li għandhom jiġu inklużi fl-EEAS, sabiex tinbena kapaċità ta' ppjanar strateġiku koordinat bil-għan li jiġi żviluppat approċċ Ewropew komprensiv;

19.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli/lill-Viċi Prseident tal-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jegħlbu l-iżbilanċ bejn il-kapaċitajiet ta' ppjanar ċivili u militari u biex jiżguraw li jkun jista' jiġi provdut għarfien espert xieraq u suffiċjenti fl-oqsma bħall-ġustizzja, l-ammistrazzjoni ċivili, id-dwana u l-medjazzjoni għall-missjonijiet tal-CSDP;

20.

Jitlob mill-ġdid li jinħoloq ċentru ta' operazzjoni permanenti tal-Unjoni, li għandu jitqiegħed taħt l-awtorità tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli, u li l-missjoni tiegħu tkun tikkonsisti fl-ippjanar operattiv u fit-tmexxija tal-operazzjonijiet militari; jitlob li dan iċ-Ċentru tal-operazzjonijiet jingħaqad mal-EEAS; jenfasizza li s-sistema attwali, b'seba' kwartieri ġenerali, iġġib magħha telf fl-effikaċja u fir-reattività, kif ukoll spejjeż konsiderevoli, u li interlokutur permanenti fil-qasam militari huwa neċessarju sabiex ikun hemm kordinazzjoni ċivili u militari fl-azzjonijiet imwettqa; iqis li ċ-ċentru operattiv permanenti jista' għalhekk jitqies bħala forma ta' kapaċità ta' ppjanar militari u ta' tmexxija, u jista' jitqiegħed fl-istess post tas-CPCC sabiex ikunu possibbli s-sinerġiji indispensabbli għal kordinazzjoni ċivili u militari effikaċi; itenni li l-ċentru ta' operazzjonijiet tal-UE għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni man-NATO, mingħajr ma tkun kompromessa l-awtonomija deċiżjonali taż-żewġ organizzazzjonijiet;

21.

Jinsisti dwar il-bżonn li titwaqqaf mill-aktar fis koperazzjoni strutturata permanenti, fuq il-bażi ta' kriterji kemm jista' jkun inklussivi, peress li dan għandu jippermetti li jittieħed impenn ikbar min-naħa tal-Istati Membri fil-kuntest tas-CSDP;

22.

Jenfasizza li l-progress u l-iżvilupp tas-CSDP għandhom jirrispettaw bis-sħiħ u ma jheddux in-newtralità u n-non-allinjament ta' wħud mill-Istati Membri tal-UE;

23.

Jinsisti dwar l-importanza ta' dawn id-diversi riformi biex jintlaħaq il-livell ta' ambizzjoni ffissat għas-CSDP, li ġie mġedded f'Diċembru 2008 u approvat mill-Kunsill Ewropew, u biex tiżdied l-effikaċja u jiżdied il-valur tas-CSDP f'kuntest fejn dan huwa dejjem iktar imfittex;

Operazzjonijiet militari u missjonijiet ċivili

24.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-kisbiet kollha tal-ESDP/CSDP fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju tagħha u jfakkar li l-Unjoni tniedi operazzjonijiet ċivili u militari fil-qafas tas-CSDP bħala reazzjoni għat-theddidiet fir-rigward tas-sigurtà internazzjonali u tas-sigurtà Ewropea; jinnota li l-maġġoranza ta' dawn il-missjonijiet kienu fil-qasam tal-immaniġġjar ta' kriżijiet ċivili; jagħti ġieħ lil madwar 70 000 membru tal-persunal li pparteċipaw u qed jipparteċipaw fit-23 missjoni u operazzjoni tal-ESDP (li għadhom qed jitwettqu jew li ntemmu); jagħti ġieħ lis-Sur Javier Solana, li f’dak iż-żmien kien is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill u Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, għall-isforzi li wettaq favur l-iżvilupp tal-ESDP; jistieden għal darb'oħra lill-Istati Membri biex jiddefinixxu l-kriterji għall-iskjerament tal-missjonijiet tal-ESDP u biex jikkunsidraw is-suġġett ta' “twissijiet” nazzjonali;

Is-Somalja - il-Qarn tal-Afrika

25.

Jilqa' l-kontribut b'suċċess tal-operazzjoni navali tal-Unjoni Ewropea fis-Somalja (EUNAVFOR Somalja - Operazzjoni Atalanta) fil-ġlieda kontra l-piraterija fil-Golf ta' Aden u mal-kosta tas-Somalja, bil-għan li jiġi żgurat li l-għajnuna umanitarja tilħaq lin-nies kollha fil-bżonn f'dan il-pajjiż; jenfasizza li l-Operazzjoni Atalanta stabbiliet lilha nnifisha bħala parteċipant ewlieni fil-ġlieda kontra l-piraterija, fosthom permezz taċ-Ċentru tas-Sigurtà Marittima (Qarn tal-Afrika); jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jestendi l-missjoni għal sena oħra sa Diċembru 2010 u jieħu nota tat-twessigħ tal-mandat ta' din l-operazzjoni maħsuba biex tindirizza kwistjoni tas-sigurtà li taffettwa l-UE direttament (is-sigurtà taċ-ċittadini u l-provvisti, il-protezzjoni tal-bastimenti vulnerabbli) u biex tirreaġixxi għal emerġenza umanitarja u operattiva (billi teskorta l-bastimenti mikrija mill-Programm Dinji tal-Ikel biex iwasslu l-ikel lill-popolazzjoni Somala u vapuri li qed iwasslu appoġġ loġistiku għall-missjoni ta' osservazzjoni militari tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM)); ifaħħar, fl-istess ħin, il-kontribut tagħha għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni navali fl-Ewropa u l-iżvilupp ulterjuri tad-dimensjoni marittima tas-CSDP; jilqa' wkoll l-involviment ta' pajjiżi barra mill-UE (in-Norveġja, il-Kroazja u l-Montenegro) u l-kooperazzjoni kostruttiva tal-operazzjoni mal-forzi navali l-oħra preżenti fir-reġjun, partikolarment fil-kuntest tal-proċessi SHADE (Kuxjenza u Riżoluzzjoni tal-Kunflitti Konġunti); jiddispjaċih, madankollu, dwar il-problemi kontinwi rigward il-prosekuzzjoni tal-pirati u l-ħallelin armati suspettati maqbuda fiż-żona tal-operazzjoni, li jheddu l-kredibilità tal-isforzi internazzjonali kontra l-piraterija;

26.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi tal-piraterija, li ġejjin mill-instabilità prevalenti u l-faqar fis-Somalja, u għalhekk huwa tal-fehma li l-Unjoni għandha tappoġġja l-Gvern Federali Transitorju (TFG) permezz ta' miżuri mmirati lejn ir-restawr tas-sigurtà, l-istabilità politika u l-istat tad-dritt u l-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli, flimkien mal-Unjoni Afrikana u n-Nazzjonijiet Uniti, u li tiżviluppa strateġija konġunta bil-għan li jingħata bidu għal proċess ta' paċi reġjonali;

27.

Jitlob li l-approċċ tal-UE għas-Somalja jqis li huwa biss eżerċizzju tal-bini tal-istat fuq skala kbira u fuq medda ta' żmien twil - li jmur aktar 'il fuq u lil hinn mill-bini tal-forzi tas-sigurtà tal-Gvern Federali Transitorju - li se jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà f'dan il-pajjiż b'mod sostenibbli; għalhekk jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipproponu strateġija ambizzjuża, konġunta u komprensiva tal-UE għas-Somalja;

28.

Jenfasizza b'mod partikolari l-urġenza li jkun hemm azzjoni li tippermetti lill- Gvern Federali Transitorju li jibqa' f'postu u li jifrex il-kontroll tiegħu fit-territorju tas-Somalja; għal dan il-għan, jilqa' l-fatt li l-Kunsill qabel fil-25 ta' Jannar 2010 biex titwaqqaf missjoni militari CSDP (Missjoni tal-UE għat-Taħriġ, EUTM Somalja) sabiex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tas-Somalja fl-Uganda, f'koordinazzjoni mill-qrib ma' sħab tal-UE, inklużi l-Gvern Federali Transitorju, l-Uganda, l-Unjoni Afrikana, n-Nazzjonijiet Uniti u l-Istati Uniti; jistieden lir-Rappreżentant Għoli biex tinforma u tikkonsulta lill-Parlament Ewropew kif xieraq;

29.

Jenfasizza wkoll l-importanza li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' sorveljanza marittima fir-reġjun, partikolarment permezz tat-taħriġ u tal-ħolqien ta' netwerk tal-gwardji kostali tal-pajjiżi tar-reġjun, u jqis li l-Unjoni għandha tipparteċipa fl-isforzi billi tappoġġja l-Kodiċi ta' Mġieba ta' Ġibuti u l-pjan ta' implimentazzjoni tiegħu żviluppat mill-Organizzazzjoni marittima internazzjonali, kif miftehma mill-Istati tar-reġjun (ċentru ta' skambju ta' informazzjoni fil-Jemen u ċentru ta' taħriġ tal-persunal marittimu f'Ġibuti);

30.

Rigward is-sitwazzjoni fil-Jemen, ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 Frar 2010 u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, flimkien ma' msieħba internazzjonali, inkluż il-ġirien tal-Jemen, biex jgħinu lill-gvern permezz ta' approċċ komprensiv li jiġbor fih ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, il-kontro-terroriżmu, kif ukoll id-djalogu politiku, l-għajnuna umanitarja u ekonomika u l-edukazzjoni;

L-Afganistan u l-Pakistan

31.

Ifakkar dwar l-importanza ta' stabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni tas-sigurtà u tal-politika fl-Afganistan u fil-Pakistan sabiex jiġi ffaċċjat it-theddid dinji li għandu impatt dirett fuq is-sigurtà tal-Ewropej (terroriżmu, traffikar tad-drogi, tixrid tal-armi ta' qerda tal-massa) u, f'dan ir-rigward, jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-Unjoni għall-Afganistan u għall-Pakistan adottat fis-27 ta' Ottubru 2009 mill-Kunsill; itenni l-ħtieġa għal approċċ komprensiv rigward dawn il-kwistjonijiet, li jgħaqqad is-sigurtà aktar mill-qrib mal-iżvilupp, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll aspetti relatati mal-ġeneru; jitlob, għalhekk, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi aktar tanġibbli f'din id-direzzjoni, ukoll billi jżidu l-kontribuzzjoni tal-UE u jiżguraw li l-attivitajiet tagħha jiġu integrati aħjar ma' dawk tal-Istati Membri u l-komunità internazzjonali;

32.

Iqis li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi fl-Istat Afgan, u partikolarment is-sistema legali u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi apprti l-pulizija, għandu jikkostitwixxi prijorità fl-implimentazzjoni ta' strateġija Ewropea ġdida;

33.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżidu b'mod sinifikanti r-riżorsi għall-impenn ċivili fl-Afganistan sabiex il-prijorità ċivili tal-UE tkun kredibbli u aktar viżibbli f'għajnejn l-Afgani u l-imsieħba internazzjonali; jenfasizza l-importanza li tinħoloq forza tal-pulizija ċivili effettiva u ta' min jorbot fuqha biex jiġi stabbilit l-istat tad-dritt fl-Afganistan, u jilqa' l-ħidma tal-missjoni EUPOL tal-Afganistan; jistieden lill-Kunsill biex jirrimedja l-problema kontinwa ta' nuqqas ta' persunal fi ħdan il-missjoni EUPOL bħala kwistjoni ta' urġenza, u biex jiffaċilita l-iskjerament tiegħu fil-provinċji billi jipprovdi akkomodazzjonijiet addizzjonali u appoġġ loġistiku adegwat għall-missjoni; jistieden lin-NATO biex tikkoopera aktar mill-qrib mal-missjoni u biex tikkoordina l-ħidma tagħha tal-pulizija mal-EUPOL taħt il-patroċinju tal-Bord Internazzjonali ta' Koordinazzjoni tal-Pulizija (IPCB);

34.

Jappoġġja l-proposta tal-Kunsill li jeżamina l-possibilità ta' missjoni ta' assistenza fil-Pakistan għar-riforma tas-setturi tas-sigurtà u tal-kostruzzjoni ta' kapaċità għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, sabiex dan il-pajjiż jiġi megħjun jiddefinixxi strateġija kontra t-terroriżmu, filwaqt li jiġi inkluż djalogu dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

Il-Balkani

35.

Jilqa' l-iskjerament b'suċċess tal-missjoni EULEX Kosovo fit-totalità tat-territorju tal-Kosovo u jinsisti dwar l-importanza għall-komponenti kollha tal-missjoni (pulizija, ġustizzja u dwana) sabiex din tkun tista' tibqa' topera mingħajr ostakli fit-territorju kollu tal-Kosovo, inkluż fit-Tramuntana;

36.

Jilqa' f'dan ir-rigward l-iffirmar tal-protokoll ta' kooperazzjoni tal-pulizija bejn l-EULEX Kosovo u s-Serbja, u jinnota n-natura strettament teknika ta' dan il-protokoll, maħsub biex jiffaċilita l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

37.

Jikkundanna l-azzjonijiet ostili kollha fir-rigward tal-EULEX Kosovo, li l-missjoni tagħha hija li taħdem flimkien mal-awtoritajiet tal-Kosovo favur it-twaqqif u t-tisħiħ tal-istat tad-dritt, u dan għall-ġid tal-komunitajiet kollha tal-Kosovo;

38.

Jitlob lill-Kunsill biex iqis il-possibilità tal-iskjerament ta' operazzjoni militari taħt is-CSDP biex tieħu post il-KFOR;

39.

Ifakkar li, f'dak li jikkonċerna l-Bosnja-Ħerzegovina, minkejja diffikultajiet politiċi persistenti, is-sitwazzjoni tas-sigurtà għadha relattivament kalma u stabbli, u jenfasizza l-kontribut tal-operazzjoni militari tal-Unjoni (EUFOR ALTHEA) f'dan il-qasam; jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill li tiffoka mill-ġdid l-attivitajiet tal-missjoni tal-pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fuq il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u jenfasizza l-bżonn għal approċċ komprensiv għas-settur tal-istat tad-dritt (pulizija – ġustizzja – ħabsijiet); iħeġġeġ lill-Kunsill biex fil-futur qrib jieħu deċiżjoni sabiex it-taħriġ tal-forzi armati Bosnjakki jkun l-enfasi l-ġdid tal-EUFOR ALTHEA; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' deċiżjoni politika konċertata dwar il-ġejjieni tal-forza internazzjonali fil-Bosnja u l-Ħerzegovina, li qed iwassal għal irtirar unilaterali ta' ċerti parteċipanti Ewropej mill-forza u bir-riskju li tiġi pperikolata l-kredibilità u l-koerenza tal-azzjoni tal-UE fil-Bosnja u l-Ħerzegovina; ifakkar lill-Kunsill biex jippreserva l-prospett ta' adeżjoni mal-UE kif ġie miftiehem f’Tessaloniki fl-2003;

Il-Kawkasu

40.

Ifakkar dwar ir-rwol determinanti tal-Unjoni biex jiġi evitat deterjorament fil-kunflitt bejn il-Ġeorġja u r-Russja, partikolarment permezz tal-iskjerament immedjat ta' missjoni ta' osservazzjoni bl-għan li tiġi sorveljata l-implimentazzjoni tal-ftehimiet tat-12 ta' Awwissu u tat-8 ta' Settembru 2008; jiddispjaċih li l-Federazzjoni Russa s'issa ma wettqitx l-impenji tagħha fir-rigward ta' dawn il-Ftehimiet; jenfasizza li r-rwol tal-missjoni ta' osservazzjoni tal-UE fil-Ġeorġja sar partikolarment kruċjali wara t-tluq tal-missjonijiet tal-OSCE u tan-Nazzjonijiet Uniti;

41.

Jappoġġja t-tiġdid tal-missjoni għal sena oħra u jitlob li tissaħħaħ il-kapaċità ta' osservazzjoni tagħha, inkluża l-organizzazzjoni teknika tagħha; jiddispjaċih li l-forzi Russi u dawk lokali ma ħallewx lill-membri tal-persunal tal-missjoni jżuru r-reġjuni separatisti tal-Ossezja tan-Nofsinhar u tal-Abkażja;

Il-Lvant Nofsani

42.

Iqis li l-Unjoni għandha ttejjeb il-kwalità tal-azzjonijiet tagħha fit-territorji Palestinjani; jilqa' l-ħidma mwettqa mill-missjoni tal-pulizija EUPOL COPPS u jistieden lill-Kunsill biex iqis it-tisħiħ ta' din il-missjoni u jipproponi format ġdid biex il-missjoni ta' assistenza fil-punt konfinali ta' Rafah (EUBAM Rafah) tinżamm u ssir aktar effettiva u biex tittaffa’ l-kriżi umanitarja drammatika fil-Medda ta' Gaża;

43.

Jappoġġja, fir-rigward tal-missjoni EUJUST LEX fl-Iraq, il-bidu progressiv ta' attivitajiet fit-territorju tal-Iraq, skont is-sitwazzjoni tas-sigurtà fuq il-post;

L-Afrika 'l isfel mis-Saħara

44.

Jirrikonoxxi l-bżonn ta' impenn min-naħa tal-Unjoni fil-qasam tar-riforma tas-setturi tas-sigurtà ta' ċerti pajjiżi Afrikani, bħar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-Ginea-Bissaw, u jistieden lill-Kunsill biex jibbaża l-azzjonijiet tiegħu fuq approċċ komprensiv għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà u biex iwettaq valutazzjonijiet regolari tal-effikaċja u tal-impatt ta' dawn il-missjonijiet;

Ħaiti

45.

Jisħaq, fir-rigward tal-qagħda f’Ħaiti, fuq l-importanza ta' koordinament tal-miżuri ta' appoġġ Ewropej; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, il-kontribuzzjoni kollettiva tal-UE ta' mill-inqas 300 membru tal-persunal tal-pulizija, biex jipprovdu tisħiħ temporanju tal-kapaċità tal-pulizija tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU f’Ħaiti (MINUSTAH) kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kunsill li jwaqqaf ċelloli fi Brussell (EUCO Ħaiti) biex jikkoordinaw il-kontributi mill-Istati Membri ta' assi militari u ta' sigurtà sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet identifikati min-NU, u b'hekk jikkumplimentaw iċ-Ċentru tal-Monitoraġġ u tal-Informazzjoni (MIC); jiddispjaċih, madankollu, in-nuqqas ta' koordinazzjoni fuq il-post f’Ħaiti fost l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea; jistieden lir-Rappreżentant Għoli / Viċi President biex tmexxi l-isforzi Ewropej f'dan il-qasam;

Tagħlim miksub

46.

Jenfasizza l-importanza tal-proċessi ta' feedback tal-operazzjonijiet u jistieden lill-Kunsill biex jirrefletti dwar mekkaniżmu li jippermetti l-assoċjazzjoni tiegħu ma' dawn il-proċessi; jixtieq ukoll ikun infurmat dwar l-ewwel rapport annwali rigward l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-feedback għall-missjonijiet ċivili; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President twettaq verifika bir-reqqa u trasparenti u tippreżenta missjonijiet tal-PSDK sabiex ikunu identifikati l-punti dgħajfin u b'saħħithom tagħhom;

47.

Jilqa' t-tranżizzjoni b'suċċess tal-operazzjoni tal-Unjoni fiċ-Ċad u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (operazzjoni EUFOR Tchad/RCA) lejn il-missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u ċ-Ċad (MINURCAT) u jixtieq li issa jinżamm infurmat dwar il-proċess attwali ta' tagħlim miksub, b’mod partikulari fir-rigward ta' kif in-nuqqasijiet u l-problemi eżistenti li għandhom x’jaqsmu mal-kooperazzjoni prattika man-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Afrikana jistgħu jiġu evitati f’missjonijiet futuri;

Politika ta' eżerċizzju

48.

Jenfasizza li l-ippjanar u t-twettiq ta' eżerċizzji tal-UE fil-qasam tas-CSDP bħala parti minn politika ta' eżerċizzju aktar ambizzjuża tal-UE, inkluża l-possibbiltà għall-UE biex twettaq eżerċizzji fil-ħajja reali (LIVEX), tagħti kontribut kbir għal koordinazzjoni aktar effettiva tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri fit-trawwim ta' interoperabilità akbar u l-iskambju tal-esperjenza;

L-inklużjoni tal-perspettiva tas-sess u tad-drittjiet tal-bniedem

49.

Ifakkar fl-importanza li jiġu indirizzati b’mod sistematiku l-aspetti tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sessi fil-fażijiet kollha tal-operazzjonijiet tas-CSDP, matul il-fażijiet tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni; jitlob li titqies ir-Riżoluzzjoni 1325 (2000) u 1889 (2009) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà fit-taħriġ tal-persunal u waqt l-operazzjonijiet u li proporzjon akbar tal-impjegati mibgħuta fuq l-operazzjonijiet ikunu nisa; jirrakkomanda li jissaħħaħ it-taħriġ tal-persunal rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-għarfien tas-soċjetà ċivili;

Nonproliferazzjoni u diżarm

50.

Jilqa’ r-Riżoluzzjoni 1887 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2009) u jappoġġa għalkollox it-talbiet tagħha biex ma jibqgħux jinfirxu l-armi nukleari u għal sforzi aktar intensivi biex jinkiseb id-diżarm taħt kontroll internazzjonali strett u effikaċi; jistieden lill-Istati Membri biex isawru pożizzjoni komuni b’saħħitha għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari u jtenni r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2009 lill-Kunsill dwar in-nonproliferazzjoni u l-futur tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) (8), li fih jiġi enfasizzat il-bżonn li jissaħħu iktar it-tliet pilastri tal-NPT, jiġifieri n-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-koperazzjoni għall-użi ċivili tal-enerġija nukleari; iħeġġeġ, barra minn hekk, li t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari (CTBT) jiġi rratifikat u jidħol fis-seħħ;

51.

Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati sistema internazzjonali għall-forniment sikur u garantit tal-fjuwil nukleari (i.e. sistema ta' bank tal-fjuwil internazzjonali taħt il-kontroll tal-IAEA) u mekkaniżmi għal infurżar aħjar tal-hekk imsejħa klawsola dwar l-Armi għall-Qerda tal-Massa li hi parti mill-ftehimiet ta' koperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi;

52.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjonijiet u l-objettivi dikjarati mill-amministrazzjoni Amerikana l-ġdida li tieħu l-impenn li tgħin biex ikun hemm progress fid-diżarm nukleari u jitlob li jkun hemm koperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-promozzjoni tan-nonproliferazzjoni nukleari; jistieden liż-żewġ potenzi nukleari Ewropej biex jesprimu l-appoġġ espliċitu tagħhom għal dan l-impenn u biex joħorġu b’miżuri ġodda biex iwettquh; jilqa’, fl-istess waqt, l-impenn tal-Federazzjoni Russa u tal-Istati Uniti tal-Amerika biex ikomplu n-negozjati biex jiġi konkluż ftehim komprensiv ġdid u li jkun legalment vinkolanti bħala sostitut għat-Trattat dwar it-Tnaqqis u l-Limitazzjoni tal-Armi Offensivi Strateġiċi (START I), li skada f’Diċembru 2009; jistenna ħerqan li jkun hemm riżultati tanġibbli f’dan ir-rigward, fl-iktar data kmieni possibbli;

53.

Jilqa’ l-ftehim ta' koalizzjoni Ġermaniż tal-24 ta' Ottubru 2009 dwar l-irtirar tal-armi nukleari tal-Istati Uniti mill-Ġermanja fil-kuntest tal-appoġġ tagħha għall-politika tal-President Obama għal dinja ħielsa mill-armi nukleari, ix-xewqa li jittieħdu passi intermedji biex jintlaħaq dan il-għan u l-ħtieġa li jiġu introdotti dinamiki ġodda fil-kontroll tal-armi u d-diżarm waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010 tal-NPT; iħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra li għandhom armi nukleari tal-Istati Uniti fit-territorju tagħhom biex jieħdu impenn ċar simili; jilqa’, f'dan ir-rigward, l-ittra mibgħuta fis-26 ta' Frar 2010 mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, il-Pajjiżi Baxxi, il-Belġju, il-Lussemburgu, u n-Norveġja lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, li titlob għal diskussjoni komprensiva fl-Alleanza dwar kif tista' toqrob lejn l-għan politiku globali ta' dinja mingħajr armi nukleari;

54.

Jafferma mill-ġdid it-tħassib tiegħu fir-rigward tal-Iran u l-Korea ta' Fuq, filwaqt li jfakkar dwar l-impenn li ttieħed mill-Unjoni biex jintużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi, twaqqaf u, jekk ikun possibbli, telimina l-programmi ta' proliferazzjoni li qajmu tħassib fil-livell dinji; ifakkar madankollu li d-diżarm mibdi minn ċerti Stati mhuwiex marbut direttament mar-rieda tal-Istati l-oħra li jtemmu jew li jkomplu l-programmi ta' proliferazzjoni tagħhom, u dan għandu jwassal għal politika iebsa fir-rigward tal-Istati jew l-organizzazzjonijiet li jkunu lesti li jipparteċipaw jew li diġà qed jipparteċipaw fi proċessi ta' proliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa; jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri kollha jaġixxu b’dan il-mod, bi qbil mal-approċċ tal-Unjoni għal din il-kwistjoni;

55.

Jirrimarka li, b’rabta mad-diżarm konvenzjonali, għandha tingħata attenzjoni speċjali biex isir progress fid-diskussjonijiet dwar trattat internazzjonali li jirregola l-kummerċ tal-armi;

56.

Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għal diżarm aktar estensiv u għal projbizzjoni totali fuq l-armi, bħall-armi kimiċi u bijoloġiċi, il-mini ta' kontra l-persunal, il-munizzjonijiet tat-tip “cluster” u l-munizzjonijiet tal-uranju mdgħajjef, li jikkawżaw tbatija kbira għall-persuni ċivili; iħeġġeġ, għaldaqstant, l-isforzi multilaterali msaħħa biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u li jużaw it-Tossini, il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet tat-tip “Cluster”, il-Konvenzjoni dwar il-Mini għal Kontra l-Persuni u l-iżvilupp ulterjuri tas-sistema internazzjonali kontra l-proliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-impenji li ttieħdu mill-Istati Membri kollha tal-UE meta adottaw il-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi, kif ukoll id-dispożizzjoni tal-Artikolu 28B(1) tat-Trattat ta' Lisbona, li jafda l-operazzjonijiet ta' diżarm konġunti f’idejn l-UE;

Żvilupp tal-kapaċitajiet

57.

Ifakkar li, sabiex jiġu sodisfatti l-esiġenzi operattivi dejjem ikbar u tiġi professjonalizzata l-ġestjoni tal-kriżijiet, l-Unjoni għandha tiżviluppa l-kapaċitajiet ċivili u militari tagħha; iħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-Kunsill biex jiddefinixxi objettiv globali ġdid, li jista' jkun ċivili u militari u li għandu jiġi organizzat qabel xejn favur it-tisħiħ effikaċi tal-kapaċitajiet;

58.

Jisħaq fuq il-ħtieġa tat-tiftix ta' sinerġiji bejn il-kapaċitajiet ċivili u militari u l-identifikazzjoni ta' oqsma fejn l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġbru l-isforzi u l-kapaċitajiet tagħhom fil-livell tal-UE fi klima ekonomika diffiċli, li hu importanti biex jingħelbu l-effetti magħquda tal-ispejjeż dejjem jikbru tat-tagħmir ta' difiża flimkien mal-limiti eżistenti fuq in-nefqa għad-difiża, filwaqt li tittieħed l-opportunità mogħtija mit-twaqqif tal-EEAS, li għandu jkollha unità waħda li tissorvelja l-iżvilupp tal-kapaċitajiet ċivili u militari;

59.

Itenni l-appoġġ tiegħu għall-objettivi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet ċivili u militari definiti fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2008; jitlob lill-Kunsill biex jimxi 'l quddiem bl-implimentazzjoni tal-proġetti proposti f'dan il-kuntest, minkejja l-kriżi ekonomika attwali; jistieden lill-Kunsill biex b'mod regolari jżommu infurmat dwar l-isforzi min-naħa tal-Istati Membri sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi;

60.

Jenfasizza l-bosta ostakli li ġew identifikati għall-impjieg mgħaġġel tal-missjonijiet ċivili; jistieden lill-Istati Membri biex jimmobilizzaw il-Ministeri tal-Ġustizzja u tal-Intern tagħhom sabiex dawn jerfgħu r-responsabilità f'dan il-qasam; jappoġġja f'dan ir-rigward l-isforzi tal-Kunsill għall-faċilitazzjoni tal-issekondar u tal-impjieg tal-persunal ċivili kkwalifikat, imħarreġ b'mod xieraq u bbilanċjat bħala ġeneru (permezz tal-adozzjoni ta' strateġiji nazzjonali u standards komuni, titjib tal-proċess ta' ġenerazzjoni tal-forzi u tat-taħriġ ta' qabel l-impjieg, reviżjoni tal-kunċett ta' timijiet ta' intervent ċivili - CRTs) kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni immedjat ta' tagħmir għall-missjonijiet ċivili l-ġodda (permezz tat-twaqqif ta' kuntratti qafas u proġett ta' twaqqif ta' mħażen għat-tagħmir); jilqa' f'dan ir-rigward id-deċiżjoni li titwaqqaf b'mod provviżorju ħażna ta' tagħmir fi ħdan il-Missjoni ta' Pulizija tal-Unjoni fil-Bosnja-Ħerzegovina;

61.

Jenfasizza l-bżonnijiet tal-missjonijiet ċivili li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħmir ta' komunikazzjoni integrat, sigur u kompatibbli mas-sistemi ta' komunikazzjoni militari;

62.

Jistieden lill-Kunsill biex jagħti lill-EEAS struttura permanenti li tkun tiġbor fiha l-funzjonijiet ta' appoġġ komuni għall-missjonijiet ċivili u l-operazzjonijiet militari (fosthom il-proċeduri ta' reklutaġġ u l-proċessi tal-akkwist) sabiex dawn ikunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-missjoni ewlenija tagħhom;

63.

Jinsisti dwar il-bżonn ta' koordinazzjoni mill-qrib bejn il-missjonijiet ċivili u militari tas-CSDP u strumenti oħra tal-Unjoni, sabiex jiġi razzjonalizzat l-użu tar-riżorsi; jitlob lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President biex tikkoordina mal-Kummissjoni biex, flimkien mal-EEAS, jiġu ppjanati l-azzjonijiet tagħha f'oqsma simili; jitlob li jkun hemm skambju kontinwu ta' informazzjoni bejn il-missjonijiet ċivili tas-CSDP u l-protagonisti inkarigati mill-koperazzjoni tal-pulizija u tal-ġudikatura intra-Ewropea, b'mod partikolari l-Europol, u b'mod speċifiku għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata;

64.

Jinnota li l-Gruppi Tattiċi (Battle Groups), minkejja l-ispejjeż li jirrappreżentaw, għadhom qatt ma ntużaw s'issa, għal raġunijiet politiċi iżda wkoll minħabba l-kundizzjonijiet stretti ferm għat-tħaddim tagħhom; jappoġġa l-użu iktar effikaċi u flessibbli tal-Gruppi Tattiċi sabiex ikunu jistgħu jintużaw bħala forza ta' riżerva jew bħala sostitut parzjali f'każ ta' proċess diżappuntanti ta' ġenerazzjoni tal-forzi, sakemm jitqiesu kif suppost ix-xewqat tal-pajjiżi li b’mod konġunt ikunu jifformaw il-gruppi kkonċernati; jitlob li jiġi prorogat il-ftehim provviżorju bl-għan li jiġu koperti l-ispejjeż marbuta mal-użu strateġiku tal-Gruppi Tattiċi, iżda wkoll l-estensjoni tal-ispejjeż komuni għall-użu ta' dawn il-gruppi tattiċi; jistieden lill-Kunsill biex jużahom fil-kuntest ta' eżerċizzji militari veri u propji; jilqa' l-ħidma mwettqa bl-ispinta tal-presidenza Svediża dwar l-użu flessibbli tal-Gruppi Tattiċi u, fuq din il-bażi, jitlob lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet adottati;

65.

Jilqa' l-progress magħmul fil-qasam tal-kapaċitajiet militari u ċivili u jitlob li jsir progress mgħaġġel fl-oqsma sussegwenti:

il-proġetti li jippermettu li jiġu mobilizzati b’mod iktar mgħaġġel il-missjonijiet tal-ESDP u l-forzi tal-Unjoni, jiġifieri:

it-twaqqif ta' flotta Ewropea ta' trasport bl-ajru u l-pjan ta' governanza adottat minn 14-il Stat Membru matul il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni', miftuħ ukoll għall-ministri tad-difiża, tas-17 ta' Novembru 2009, it-twaqqif ta' kommando Ewropew ta' trasport bl-ajru f'Eindhoven u l-ħolqien ta' unità multinazzjonali ta' ajruplani A400M, filwaqt li jiddispjaċih għad-dewmien konsiderevoli fil-kunsinna u jistieden lill-Istati Membri kkonċernati u lill-EADS biex jagħmlu suċċess bil-proġett A400M sabiex l-unità multinazzjonali tkun tista' tinħoloq malajr; jisħaq fuq l-importanza tal-użu tal-kapaċitajiet tat-trasport militari b'appoġġ għall-protezzjoni ċivili u l-operazzjonijiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet;

il-modernizzazzjoni tal-ħelikopters u t-taħriġ tal-ekwipaġġi, kif ukoll il-proġett futur ta' ħelikopter tat-trasport tqil;

il-proġetti bl-għan li l-ekwipaġġi militari skjerati mill-Unjoni Ewropea jkunu infurmati aħjar:

il-ġenerazzjoni ġdida ta' satelliti ta' osservazzjoni (programm MUSIS),

il-ftehimiet bejn ċerti Stati Membri u ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC) bl-għan li jiġi faċilitat l-aċċess ta' dan iċ-Ċentru satellitari għall-immaġini governattivi (Hélios II, Cosmo-Skymed u SAR-Lupe),

il-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) dwar l-espressjoni tal-bżonnijiet militari fil-qasam tas-sorveljanza mill-ispazju;

il-proġett ta' Sistema ta' Sorveljanza Dinjija għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES), filwaqt li madankollu jiddispjaċih li dan ma jqisx biżżejjed il-bżonnijiet speċifiċi tas-settur tas-sigurtà u d-difiża, partikolarment f'termini ta' riżoluzzjoni tal-immaġini; jissuġġerixxi li ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea jkun jista' jkollu rwol ta' kollegament f'dan il-qasam;

il-proġetti bl-għan li tissaħħaħ id-dimensjoni marittima tal-Unjoni, li jqiegħdu l-mezzi militari tas-CSDP għas-servizz tagħha:

it-twaqqif ta' sistema ta' sorveljanza marittima skont il-mudell Baltiku (SUBCAS) sabiex tkabbar is-sigurtà tat-trasport marittimu, tikkontrolla l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u tiġġieled it-tniġġis tal-ibħra;

il-pjan direzzjonali għall-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima previst għall-2010; iqis li n-nuqqas ta' koperazzjoni bejn id-diversi protagonisti Ewropej bl-ebda mod m'għandu jkun ostaklu għall-implimentazzjoni ta' dawn il-proġetti;

66.

Jilqa' r-rwol determinanti tal-EDA fl-iżvilupp ta' dawn il-kapaċitajiet ta' difiża kritiċi, partikolarment permezz tal-implimentazzjoni ta' programmi konġunti; jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw iktar il-potenzjal tal-EDA f'konformità mat-trattat il-ġdid, biex jallokawlha baġit konformi ma' dak li qed jiġi mistenni minnha u biex tingħatalha iktar prevedibilità f'ħidmitha permezz tal-adozzjoni ta' qafas finanzjarju u ta' programm ta' ħidma triennali; jistieden lill-Istati Membri biex jiffinalizzaw mill-aktar fis l-arranġament amministrattiv bejn l-EDA u l-organizzazzjoni konġunta ta' koperazzjoni fil-qasam tal-armamenti (OCCAR) kif ukoll il-ftehim ta' sigurtà bejn l-Unjoni u l-OCCAR sabiex jorganizzaw b'mod effikaċi l-koperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-armamenti;

67.

Jappoġġa t-twaqqif ta' bażi industrijali u teknoloġika ta' difiża Ewropea kompetittiva u ta' suq Ewropew tat-tagħmir ta' difiża miftuħ u trasparenti; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex ikomplu bl-isforzi tagħhom ta' riċerka u żvilupp, billi jirrispettaw l-impenn meħud li jallokaw lil dan il-qasam 2 % tal-ispejjeż għad-difiża, u biex jittrasponu b'mod armonizzat id-direttivi tal-pakkett għad-difiża;

68.

Jistieden lill-aġenziji nazzjonali Ewropej għall-akkwisti fil-qasam tad-difiża biex jieħdu passi konkreti, bl-appoġġ tal-EDA, biex isiru aktar akkwisti Ewropej, speċifikament billi jiffirmaw Kodiċi ta' Kondotta volontarju li jkun jintroduċi l-prinċipju ta' “preferenza Ewropea” f’xi oqsma tat-tagħmir ta' difiża fejn ikun importanti li jinżammu awtonomija strateġika u sovranità operattiva mill-prospettiva Ewropea, u biex tiġi sostnuta l-preminenza industrijali u teknoloġika Ewropea;

69.

Jappoġġa bil-qawwa t-twaqqif ta' sinerġiji ċivili u militari fil-qasam tal-kapaċitajiet; jittama li s-CMPD u l-EDA jkunu jistgħu jistabbilixxu malajr ir-rwoli komplementari tagħhom: taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President, is-CMPD fi ħdan l-EEAS għandu jkollha rwol strateġiku għall-għoti ta' spinta u għall-koordinazzjoni tal-ħidma, partikolarment fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-bżonnijiet komuni, filwaqt li l-EDA għandu jkollha rwol operattiv għall-iżvilupp tat-teknoloġiji dupliċi u l-kapaċitajiet ċivili u militari; iqis li dawn is-sinerġiji jistgħu jinstabu partikolarment fuq il-bażi tal-parti “sigurtà” tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku;

70.

Jilqa' l-progress imwettaq taħt il-presidenza Svediża għall-ħolqien ta' reservoir ta' esperti ċivili u militari li jistgħu jintużaw fir-riforma tas-setturi ta' sigurtà, filwaqt li jiddeplora d-dewmien fl-implimentazzjoni ta' din il-miżura proposta fil-ħarifa tal-2008, u jixtieq li jitwaqqaf issa stess dan ir-reservoir;

71.

Jappoġġa, bl-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tal-persunal Ewropew li jaħdem id f'id, l-inizjattivi fil-qasam tat-taħriġ, partikolarment:

l-iżvilupp tal-iskambji ta' fizzjali żgħażagħ Ewropej, skont il-mudell tal-programm Erasmus;

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' taħriġ fil-livell tal-Unjoni; b'mod partikolari, jinsisti dwar in-neċessità li jitwaqqaf mill-aktar fis il-Kulleġġ Ewropew ta' sigurtà u difiża fl-għamla l-ġdida tiegħu, kif ġie deċiż mill-Kunsill f'Diċembru 2008;

l-isforzi biex tiżdied il-kapaċità għal taħriġ fil-livell tal-UE; jenfasizza b’mod partikulari l-bżonn li titwaqqaf l-Akkademja Ewropea għal Azzjoni Esterna b’dehra ġdida li, b’koperazzjoni mill-qrib mal-entitajiet xierqa fl-Istati Membri u waqt li tinkorpora strutturi ta' taħriġ eżistenti bħall-Kulleġġ għad-Difiża, tkun tipprovdi lill-uffiċjali tal-Unjoni u lill-uffiċjali tal-Istati Membri li għandhom jaħdmu f’funzjonijiet ta' relazzjonijiet esterni, kif ukoll lill-istaff mill-missjonijiet tas-CSDP, b’taħriġ li jkun ibbażat fuq kurrikuli armonizzati b’mod uniformi, b’taħriġ komprensiv u komuni għall-uffiċjali kollha u b’taħriġ xieraq fil-proċeduri konsulari u ta' legazzjoni, fid-diplomazija, fil-medjazzjoni waqt il-kunflitti u fir-relazzjonijiet internazzjonali, flimkien ma' għarfien dwar l-istorja u l-esperjenza tal-Unjoni Ewropea;

72.

Iqis li, bl-għan li jittejjeb it-taħriġ tal-persunal impjegat u biex jinkiseb l-ogħla benefiċċju mill-mezzi ta' taħriġ, għandha tiġi stabbilita rabta iktar sistematika bejn il-persunal li jipparteċipa fit-taħriġ u l-persunal imħaddem fil-missjonijiet; jistieden lill-Kunsill biex ifassal statut Ewropew komuni għall-persunal mobilizzat, li jkun jirregola l-istandards tat-taħriġ, ir-regoli dwar l-involviment jew il-mobilizzazzjoni u l-gradi tal-libertà operattiva, drittijiet u dmirijiet, il-kwalità tat-tagħmir u l-kura medika u l-arranġamenti ta' sigurtà soċjali fil-każ ta' mewt, korriment jew inkapaċità;

73.

Jilqa' l-iffirmar fis-26 ta' Frar 2009 tat-Trattat ta' Strasburgu, li jagħti personalità legali lill-Korp tal-Armata Ewropew (l-Eurocorps); jitlob li din il-forza multinazzjonali tintuża mill-Unjoni jekk ikun hemm il-ħtieġa;

Finanzjament tas-CSDP

74.

Ifakkar li t-Trattat ta' Lisbona ma jimmodifikax b'mod fundamentali l-finanzjament tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet immexxija fil-qafas tas-CSDP, jiġifieri:

il-missjonijiet ċivili huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni,

l-operazzjonijiet militari huma ffinanzjati mill-mekkaniżmu ATHENA f'dak li jikkonċerna l-ispejjeż komuni;

75.

Ifakkar fid-dispożizzjoni tat-Trattat ta' Lisbona relatata mal-fond ta' tnedija, li tqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u li għandu jiffinanzja l-attivitajiet preparatorji tal-missjonijiet tas-CSDP li, għal xi raġuni jew oħra, ma jkunux jaqgħu taħt il-baġit tal-Unjoni; jenfasizza l-valur miżjud ta' dan il-fond, li għandu jippermetti t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli li tħejji l-azzjonijiet tas-CSDP b'mod effikaċi u bla dewmien; iħeġġeġ f'dan ir-rigward lill-Istati Membri biex jibdew bla dewmien il-ħidma ta' implimentazzjoni;

76.

Jitlob lill-Istati Membri biex itawlu l-lista ta' spejjeż komuni, iffinanzjati mill-mekkaniżmu ATHENA, biex ikabbru s-solidarjetà ta' bejniethom u biex iħeġġu lil iktar Stati biex jieħdu sehem fl-operazzjonijiet militari tal-Unjoni;

77.

Jissuġġerixxi li, fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, ir-regoli u proċeduri applikabbli għall-ġestjoni tal-kriżijiet isiru iktar flessibbli, billi dan il-qasam għandu jissodisfa esiġenzi speċifiċi, bħar-rapidità tal-iskjerament u l-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà;

78.

Ifakkar fin-natura determinanti tal-istrumenti finanzjarji mmexxija mill-Kummissjoni fil-ġestjoni tal-kriżijiet, partikolarment l-Istrument ta' Stabilità u l-Fond Ewropew ta' Żvilupp (inkluża l-Faċilità għall-Paċi għall-Afrika); jenfasizza l-importanza li jkun hemm koordinazzjoni bejn dawn l-istrumenti differenti;

Sħubijiet

UE/NATO

79.

Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi kkonsolidata s-sħubija strateġika u li tiġi żgurata l-koperazzjoni kostruttiva bejn l-UE u n-NATO; jirrakkomanda li ma jkunx hemm imblukkar u jitlob għal reviżjoni tal-arranġamenti preżenti għall-koperazzjoni operattiva bejn l-UE u n-NATO (il-ftehim Berlin Plus) kif ukoll għal żvilupp ta' qafas funzjonali ġdid li jiffaċilita koperazzjoni aktar wiesgħa meta ż-żewġ organizzazzjonijiet ikunu preżenti fl-istess siti ta' operazzjoni;

80.

Jinsisti li l-Viċi-President/ir-Rappreżentant Għoli għandha tidħol fi djalogu rigoruż mas-Segretarju-Ġenerali tan-NATO fir-rigward tar-reviżjoni attwali tan-NATO tal-kunċett strateġiku tagħha, sabiex jiġi żgurat li n-NATO tqis bis-sħiħ l-iżvilupp tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni, inkluża l-kooperazzjoni strutturata permanenti potenzjali fid-difiża;

81.

Jiddispjaċih li l-ftehimiet tekniċi bejn l-operazzjonijiet tan-NATO u tal-Unjoni fl-Afganistan u fil-Kosovo għadhom ma ġewx iffirmati; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membi biex jużaw l-influwenza politika tagħhom fl-entitajiet xierqa tal-UE u n-NATO biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni;

82.

Jenfasizza l-koperazzjoni tajba bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet fil-ġlieda kontra l-piraterija (operazzjoni Atalanta u operazzjoni tan-NATO Ocean Shield);

83.

Jifraħ lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO dwar l-intenzjoni li l-Unjoni, inkluż il-Parlament Ewropew, tiġi assoċjata fid-diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tal-kunċett strateġiku ta' din l-organizzazzjoni; jittama li dan iwassal għal inizjattivi speċifiċi fil-ġejjieni qrib;

84.

Jilqa' l-koperazzjoni bejn l-Unjoni u n-NATO fil-qasam tal-kapaċitajiet militari, bħal fil-każ tal-ħidma għat-titjib tal-kapaċità operattiva tal-ħelikopters;

UE/Nazzjonijiet Uniti

85.

Ifakkar fl-importanza ta' koperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni u n-Nazzjonijiet Uniti fil-ġestjoni tal-kriżijiet, u b'mod partikolari fis-siti ta' operazzjoni fejn iż-żewġ organizzazzjonijiet huma rappreżentati u/jew iridu jissostitwixxu 'l xulxin; jitlob li tissaħħaħ din il-koperazzjoni relatata mal-kriżijiet, partikolarment f'dak li jikkonċerna l-ippjanar;

UE/Unjoni Afrikana

86.

Jenfasizza l-importanza ta' koperazzjoni tajba bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana, skont l-impenji meħuda fil-kuntest tas-Sħubija għall-Paċi u s-Sigurtà' marbuta mal-Istrateġija Konġunta bejn l-UE u l-Afrika; iqis li l-Unjoni Ewropea għandha, sa fejn ikun possibbli, tappoġġa lill-Unjoni Afrikana, partikolarment fis-siti ta' operazzjoni, bħas-Somalja, fejn din tkun l-unika organizzazzjoni fit-territorju, u jistieden lill-Unjoni Afrikana biex tagħmel ħilitha biex tiżviluppa l-kapaċità tal-Afrika li tirreaġixxi għall-kriżijiet u biex tiżgura li jsir użu aktar effikaċi tal-assistenza li tasal mis-sħab internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni speċjali għall-problema tal-proliferazzjoni bla kontroll tal-armi ż-żgħar u ħfief, b'mod partikolari fl-Afrika, u f'dan ir-rigward, biex l-enfasi tkun fuq il-konformità mar-regolamenti eżistenti dwar l-armi fiż-żoni ta' kriżi fl-Istati Membri kollha;

UE/L-Istati Uniti

87.

Jistieden lill-Kunsill biex tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni tal-UE mal-Istati Uniti fil-qasam tat-tisħiħ tal-paċi u l-ġestjoni tal-kriżijiet, inkluż dwar kwistjonijiet militari u diżastri naturali; koperazzjoni bħal din hija importanti b'mod partikolari fil-ġlieda kontra l-missjonijiet ta' piraterija fis-Somalja, fl-isforzi biex jissaħħu l-kapaċitajiet Afrikani għaż-żamma tal-paċi, u fl-operazzjonijiet fil-Kosovo u fl-Afganistan; jilqa' b'mod partikolari l-parteċipazzjoni tal-Istati Uniti fil-missjoni EULEX Kosovo, taħt il-kmand Ewropew;

88.

Hu tal-fehma li l-verżjoni l-ġdida tal-protezzjoni kontra l-missili maħsuba mill-amministrazzjoni Amerikana għandha tiġi studjata bir-reqqa u tiġi vverifikata, u jekk sistema bħal din tiġi żviluppata, għandha titqies l-istrateġija Ewropea komuni għall-protezzjoni tal-Ewropa kontra t-theddid ballistiku, fi djalogu fuq skala kontinentali, kif ukoll l-isforzi li qegħdin isiru biex l-industrija tad-difiża Ewropea tiġi involuta fl-iżvilupp tagħha;

Parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi fl-ESDP

89.

Ifakkar li s'issa, 24 pajjiż mill-ħames kontinenti pparteċipaw fis-16-il operazzjoni ċivili u militari tal-Unjoni; jenfasizza li l-parteċipazzjoni ta' Stati terzi fl-operazzjonijiet tikkostitwixxi valur miżjud importanti, kemm politiku kif ukoll operattiv, għall-operazzjonijiet tal-Unjoni; iqis li l-Unjoni għandha tkompli miexja f'din it-triq u tanalizza l-possibilitajiet biex tassoċja aħjar dawn il-pajjżi terzi, mingħajr ma tipperikola l-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha;

Prerogattivi Parlamentari

90.

Jilqa' l-parteċipazzjoni ikbar tal-Kunsill fil-ħidma tal-Parlament Ewropew fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża, partikolarment fi ħdan is-sottokumitat speċjalizzat; jilqa' l-inklużjoni ta' sezzjoni dwar ir-relazzjonijiet mal-Parlament fl-aħħar konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ESDP; iħeġġeġ lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli biex, fil-kuntest tat-Trattat ta' Lisbona, tkompli miexja f'din it-triq sabiex is-CSDP tingħata leġittimità demokratika qawwija;

91.

Ifakkar li l-Parlament Ewropew huwa l-unika istituzzjoni supranazzjonali li tista' tippretendi b'mod leġittimu li l-politika ta' sigurtà u difiża tal-Unjoni tiġi implimentata b'mod demokratiku, u dan ir-rwol huwa msaħħaħ permezz tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona; iqis f'dan il-kuntest li l-Assemblea tal-WEU, li inħolqot permezz ta' trattat (it-Trattat ta' Brussell Emendat) li ma ġiex iffirmat mit-totalità tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, m'għandha la t-tagħmir politiku u lanqas is-setgħa legali li teżerċita sorveljanza parlamentari fuq is-CSDP;

92.

Iħeġġeġ għalhekk lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali biex, billi jitqiesu l-possibilitajiet offerti mit-Trattat ta' Lisbona, jagħmlu użu sħiħ mill-protokoll tiegħu Nru 1 biex isaħħu l-koperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-PESK u s-CSDP permezz tal-iżvilupp ta' relazzjonijiet ta' ħidma iktar mill-qrib u iktar strutturati, fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża, bejn il-kumitati kompetenti rispettivi tagħhom; jenfasizza li din il-koperazzjoni msaħħa bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali se tissostitwixxi l-prerogattivi li l-Assemblea tal-WEU allokat lilha nnifisha mingħajr dritt; jenfasizza wkoll il-bżonn li l-istrutturi proprji jiġu adattati biex jiġi żgurat li s-CSDP topera aħjar; iħeġġeġ lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President biex isibu modi biex il-Parlament Ewropew u l-kumitat kompetenti tiegħu jkunu involuti sa mill-fażijiet l-aktar bikrija tat-twaqqif tal-Kunċetti u l-Pjanijiet Operattivi għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet Ċivili;

93.

Jitlob lill-Kunsill biex jinfurmah dwar il-progress tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet li qed jitħejjew, kif ukoll dwar l-impjieg tagħhom; jissuġġerixxi lill-Kunsill biex, f'ġieħ it-trasparenza, jinfurmah regolarment dwar l-użu tal-mekkaniżmu ATHENA u tal-fond ta' tnedija, kif diġà jagħmel fir-rigward tal-użu tal-krediti CFSP għall-missjonijiet ċivili; jikkunsidra li, prinċipalment fl-interessi taċ-ċarezza baġitarja, kull infiq mhux militari għandu jiġi indikat fil-baġit tal-UE, u li, bħala pass addizzjonali, wara l-emenda meħtieġa tat-Trattat, l-infiq militari wkoll għandu jintwera fil-baġit tal-UE;

94.

Jitlob li jiġu riveduti l-ftehimiet interistituzzjonali tal-2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess tal-Parlament Ewropew għall-informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fl-oqsma tal-ESDP u s-CSDP, sabiex il-Membri parlamentari responsabbli, partikolarment il-presidenti tas-sottokumitati dwar is-Sigurtà u d-Difiża u d-Drittijiet tal-Bniedem, ikun jista' jkollhom l-informazzjoni meħtieġa biex jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom b'mod infurmat;

*

* *

95.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO, kif ukoll lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tan-NATO.


(1)  ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 580

(2)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 334.

(3)  ĠU C 285 E, 26.11.2009, p. 23.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2009)0075.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2009)0076.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2009)0099.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2009)0057.

(8)  Testi adottati, P6_TA(2009)0333.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/77


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
It-Trattat tan-Nonproliferazzjoni

P7_TA(2010)0062

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari

2010/C 349 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tal-24 ta' April 2009 dwar in-nonproliferazzjoni u l-ġejjieni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (NPT) (2008/2324 (INI) (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Frar 2004 (2), l-10 ta' Marzu 2005 (3), is-17 ta' Novembru 2005 (4) u l-14 ta' Marzu 2007 (5) dwar in-nonproliferazzjoni nukleari u d-diżarm nukleari,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-Iran (6),

wara li kkunsidra l-Konferenza għar-Reviżjoni tal-2010 tal-Partijiet għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kwistjonijiet tan-nonproliferazzjoni u tad-diżarm nukleari, speċjalment ir-Riżoluzzjonijiet 1540 (2004), 1673 (2006) u 1887 (2009),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti tat-3 ta' Novembru 2009 (l-Anness 3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Ewropea u l-PESD (7),

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi għall-Qerda tal-Massa, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Progress ta' kull sitt xhur li ħareġ m'ilux dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-Armi għall-Qerda tal-Massa (2009/II),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, b'mod partikolari l-punti 6, 8 u 9 tagħha, li jesprimu r-rieda tal-UE li tiġġieled kontra l-proliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa u tal-vetturi tagħhom,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari, il-Ftehimiet dwar is-Salvagwardji Komprensivi tal-IAEA u l-Protokolli Addizzjonali għalihom, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjali Nukleari, il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Atti ta' Terroriżmu Nukleari, il-Kodiċi ta' Kondotta tal-Aja kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi, it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START I), li skada fl-2009, u t-Trattat dwar it-Tnaqqis Offensiv Strateġiku (SORT),

wara li kkunsidra r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija għas-Sigurtà Ewropea li ntlaħaq qbil dwarha mill-Kunsill Ewropew fil-11 ta' Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tal-21 ta' Diċembru 2009 lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (O-0170/2009 – B7-0010/2010, O-0169/2009 – B7-0009/2010),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2009 dwar l-Iran,

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-proliferazzjoni tal-Armi għall-Qerda tal-Massa, u l-vetturi tagħhom, tirrappreżenta waħda mill-aktar theddidiet serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u billi l-prijoritajiet ta' sigurtà l-aktar urġenti huma li t-terroristi jew l-istati addizzjonali ma jitħallewx jiksbu jew jużaw armi nukleari, li jonqsu l-ħażniet globali u li jsir progress lejn dinja mingħajr armi nukleari,

B.

billi kien hemm nuqqas ċar ta' progress fil-kisba ta' objettivi konkreti (bħal dawk magħrufa bħala t-“13-il Pass Prattiku” (8) biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni, kif miftiehem fil-konferenzi għar-reviżjoni preċedenti, speċjalment issa li qed iqum theddid minn varjetà ta' sorsi, inkluż miż-żieda fil-proliferazzjoni; billi dan imur flimkien ma' domanda akbar għat-teknoloġija nukleari, u d-disponibilità tagħha, u l-potenzjal li din it-teknoloġija u materjal radjoattiv jaqgħu f'idejn l-organizzazzjonijiet kriminali u t-terroristi,

C.

billi t-Trattat tan-Nonproliferazzjoni, bħala l-ġebla tax-xewka tas-sistema dwar in-nonproliferazzjoni, għandu jissaħħaħ u billi hemm bżonn urġenti ta' tmexxija politika kuraġġuża u ta' għadd ta' miżuri progressivi u konsekuttivi sabiex terġa' tiġi affermata l-validità tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni u sabiex jissaħħu l-ftehimiet, it-trattati u l-aġenziji li jiffurmaw is-sistema dwar il-proliferazzjoni u d-diżarm eżistenti, b'mod partikolari, it-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika,

D.

billi hemm il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu t-tliet pilastri tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni, jiġifieri n-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-kooperazzjoni dwar l-użu ċivili tal-enerġija nukleari,

E.

billi hemm dewmien min-naħa ta' stati li għandhom l-armi nukleari u li huma firmatarji tal-NPT biex inaqqsu jew jeliminaw il-ħażniet nukleari tagħhom u biex jinqatgħu minn duttrina militari li temmen fid-dissważjoni nukleari,

F.

filwaqt li jitlob li jkompli jsir progress dwar l-aspetti kollha tad-diżarm biex titjieb is-sigurtà globali,

G.

billi l-UE impenjat ruħha biex tagħmel użu mill-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi, twaqqaf u, jekk ikun possibbli, telimina l-programmi ta' proliferazzjoni li qed joħolqu tħassib fil-livell globali, kif inhu espress b'mod ċar mill-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi għall-Qerda tal-Massa, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

H.

billi hemm bżonn li l-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tiġġieled il-flussi ta' proliferazzjoni u l-iffinanzjar tal-proliferazzjoni, biex tissanzjona l-atti ta' proliferazzjoni u biex tiżviluppa miżuri għall-prevenzjoni ta' trasferimenti intanġibbli ta' għerf u kompetenza permezz tal-istrumenti kollha disponibbli, inklużi t-trattati multilaterali u l-mekkaniżmi ta' verifika, il-kontrolli tal-esportazzjoni nazzjonali u dawk ikkoordinati b'mod internazzjonali, il-programmi kooperattivi għat-tnaqqis tat-theddid u l-lievi politiċi u ekonomiċi,

I.

filwaqt li jilqa' d-Dikjarazzjoni dwar in-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm (l-Anness 3) adottata fis-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti tat-3 ta' Novembru 2009, li saħqet fuq il-ħtieġa li jinżammu u jissaħħu l-miżuri multilaterali rilevanti u, b'mod partikolari, it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni Nukleari, jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari u jitlob li jibdew in-negozjati dwar it-Trattat għal-Limitazzjoni ta' Materjal Fissili f'Jannar 2010; filwaqt li jinnota wkoll li d-Dikjarazzjoni ttenni l-ħtieġa li l-Iran u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea jissodisfaw l-obbligi nukleari internazzjonali tagħhom,

J.

billi l-Iran ma rrispettax l-iskadenza tal-aħħar tas-sena biex jikkonforma mat-talbiet li sarulu biex jiftaħ il-faċilitajiet nukleari tiegħu għall-ispetturi tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika; billi l-Iran sa issa ma għamel xejn biex jerġa' jibni l-fiduċja tal-komunità internazzjonali fin-natura esklużivament paċifika tal-programm nukleari tiegħu,

K.

imħeġġeġ minn proposti għal diżarm mitluba minn Henry Kissinger, George P. Shultz, William J. Perry u Sam Nunn f'Jannar 2007 u Jannar 2008, minn fehmiet simili fl-Ewropa ta' statisti tal-imgħoddi fir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Pajjiżi Baxxi u l-Belġju, mill-Konvenzjoni Mudell dwar l-Armi Nukleari u l-Protokoll ta' Hiroshima u Nagasaki, promossi globalment minn organizzazzjonijiet ċiviċi u mexxejja politiċi, u kampanji bħal “Global Zero”,

L.

billi r-reviżjoni tal-Kunċett Strateġiku tan-NATO toffri opportunità biex tiġi vvalutata mill-ġdid il-politika nukleari tal-alleanza kollha kemm hi bil-għan li jintlaħaq l-objettiv ta' dinja mingħajr armi nukleari; billi skont l-arranġamenti ta' “nuclear-sharing” jew l-arranġamenti bilaterali, għadhom qed jiġu skjerati madwar 150-200 arma nukleari tattika fil-ħames stati mhux nukleari tan-NATO (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, il-Pajjiżi Baxxi u t-Turkija),

M.

billi hemm bżonn ta' koordinament u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u sħabha, b'mod partikolari l-Istati Uniti u r-Russja, bl-intenzjoni li terġa' titqajjem u tissaħħaħ is-sistema ta' nonproliferazzjoni,

N.

filwaqt li jilqa', f'dan ir-rigward, l-inizjattiva Britannika-Norveġiża konġunta li għandha l-għan li tivvaluta l-fattibilità u t-twaqqif ta' passi proċedurali ċari għaż-żarmar eventwali tal-armi nukleari u l-proċeduri ta' verifika relatati miegħu, li hi kontribut konkret fid-direzzjoni t-tajba,

O.

billi fl-2008, il-Gvern Franċiż u dak Britanniku ħabbru tnaqqis fit-testati operattivi tagħhom imma fl-istess ħin iddeċidew li jimmodernizzaw l-arsenali nukleari tagħhom; billi l-Istati Membri kollha għandhom obbligu li jagħtu kontribut siewi għall-politiki tal-UE dwar in-nonproliferazzjoni u d-diżarm,

1.

Jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jaħtfu l-opportunità tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni Nukleari tan-NU tal-2010 biex jippromwovu l-għan ta' diżarm nukleari sħiħ ibbażat fuq Trattat internazzjonali għall-eliminazzjoni progressiva tal-armi nukleari fid-dinja kollha, u biex jistinkaw għall-għan ta' diżarm nukleari globali sħiħ li għandu jsir pass pass fuq bażi kollettiva u multilaterali;

2.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jkunu żviluppati strateġiji fil-Konferenza tar-Reviżjoni tal-NPT fl-2010 bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar trattat biex tieqaf il-produzzjoni ta' materjal fissili għal skopijiet ta' armi b'mod li ma jkunx hemm diskriminazzjoni, li jfisser li t-trattat innegozjat b'dan il-mod għandu jesiġi li Stati li m'għandhomx armi nukleari jew Stati li bħalissa mhumiex parti fl-NPT jirrinunzjaw għall-produzzjoni ta' materjal fissili għall-armi u jżarmaw l-impjanti stabbiliti tagħhom għall-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi bħal dawn;

3.

Jenfasizza li l-ħames membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li kollha għandhom l-armi nukleari, għandu jkollhom l-għan li progressivament jirrinunzjaw għall-produzzjoni ta' materjal fissili għall-armi u li jżarmaw il-faċilitajiet kollha stabbiliti tagħhom għall-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi bħal dawn,

4.

Jistieden lill-partijiet kollha biex jirrevedu d-duttrina militari tagħhom bl-intenzjoni li jirrinunzjaw għall-għażla ta' attakk preventiv;

5.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jagħtu kontribut ikkoordinat, pożittiv u viżibbli għad-diskussjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tal-NPT 2010, b'mod partikulari billi jipproponu skeda ambizzjuża għal dinja ħielsa mill-periklu nukleari u inizjattivi konkreti biex jingħata nifs ġdid lill-Konferenza tan-NU dwar id-Diżarm u billi jiġu promossi inizjattivi ta' diżarm ibbażati fuq “Id-Dikjarazzjoni ta' Prinċipji u Għanijiet” li kien sar qbil dwarha fi tmiem il-Konferenza għar-Reviżjoni tal-NPT tal-1995 u fuq “It-Tlettax-il Pass Prattiku” li kien sar qbil unanimu dwarhom fil-Konferenza għar-Reviżjoni tal-2000;

6.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Iżrael, l-Indja u l-Pakistan ma sarux Stati Partijiet fl-NPT, u l-Korea ta' Fuq irtirat minnu fl-2003; jistieden lil dawn il-pajjiżi biex isiru Stati Partijiet fit-trattat;

7.

Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżommu lill-Parlament infurmat regolarment dwar il-laqgħat preparatorji kollha fil-proċess ta' tħejjija għall-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-2010 u biex iqisu kif jixraq, fir-rigward ta' din il-konferenza, il-fehmiet tiegħu dwar il-kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni u diżarm;

8.

Iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu kull sforz possibbli biex iqajmu l-għarfien Ewropew dwar il-kwistjonijiet ta' nonproliferazzjoni, b'kollaborazzjoni mal-partijiet u l-atturi mhux statali kollha li jaħdmu għal dinja ħielsa mill-periklu nukleari, fir-rigward, b'mod partikulari, tan-netwerk tas-Sindki għall-Paċi;

9.

Jilqa' l-inklużjoni ta' klawsoli dwar in-nonproliferazzjoni tal-armi għall-qerda tal-massa fil-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u fil-pjanijiet ta' azzjoni; jirrimarka li miżuri bħal dawn għandhom jiġu implimentati mill-pajjiżi kollha sħab tal-UE mingħajr eċċezzjoni;

10.

Jilqa' b'sodisfazzjon kbir id-diskors tal-President Amerikan Barack Obama fi Praga fil-5 ta' April 2009 li fih esprima l-impenn tiegħu biex imexxi l-kawża tad-diżarm nukleari u l-viżjoni tiegħu ta' dinja bla armi nukleari fi sforz kollettiv biex nimxu 'l quddiem; jistieden lill-Kunsill biex jesprimi l-appoġġ espliċitu tiegħu għal dan l-impenn;

11.

Itenni l-importanza tal-appoġġ attiv tal-Kunsill, b'kooperazzjoni mas-sħab tiegħu, għal proposti konkreti biex il-produzzjoni, l-użu u l-ipproċessar mill-ġdid tal-fjuwil nukleari kollu jinġiebu għall-kontroll tal-IAEA, inkluż il-ħolqien ta' bank tal-fjuwil internazzjonali; jappoġġa, barra minn hekk, inizjattivi oħrajn għall-multilateralizzazzjoni taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari li għandhom l-għan tal-użu paċifiku tal-enerġija nukleari, filwaqt li jfakkar li l-Parlament jilqa' l-prontezza tal-Kunsill u tal-Kummissjoni biex jikkontribwixxu sa EUR 25 miljun għall-ħolqien ta' bank tal-fjuwil nukleari fil-kontroll tal-IAEA u jixtieq jara l-approvazzjoni mgħaġġla ta' azzjoni konġunta dwar dan is-suġġett;

12.

Jappoġġa aktar sforzi biex jissaħħaħ il-mandat tal-IAEA, inklużi l-ġeneralizzazzjoni tal-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet dwar is-Salvagwardji tal-IAEA u passi oħra mfasslin biex jiżviluppaw miżuri li jsaħħu l-fiduċja; ifittex li jiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għal din l-organizzazzjoni sabiex tkun tista' taqdi l-mandat importanti tagħha biex l-attivitajiet nukleari jsiru sikuri; jinkoraġġixxi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, inklużi l-modernizzazzjoni tal-Laboratorju għall-Analiżi tas-Salvagwardji tal-IAEA f'Seibersdorf, l-Awstrija;

13.

Jenfasizza l-importanza li t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Komprensiva tat-Testijiet Nukleari għandu jidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex tasal għar-ratifika tat-Trattat; jitlob lill-Kunsill biex jappoġġa bis-sħiħ in-negozjati għal trattat li jipprojbixxi l-produzzjoni ta' materjal fissili għal armi nukleari jew tagħmir ieħor nukleari kemm jista' jkun malajr, jistenna bil-ħerqa r-Reviżjoni tal-Qagħda Nukleari l-ġdida li għandha twassal għall-impenn tal-Istati Uniti li ma tiżviluppax armi nukleari ġodda, fosthom il-bunker-busters nukleari, jipprevedi t-tnaqqis drammatiku tal-ħażniet nukleari u jmexxi l-Istati Uniti biex tagħmel enfasi fuq id-difiża mingħajr armi nukleari;

14.

Jitlob li jkun hemm approfondiment tad-djalogu mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti u mas-setgħat kollha li għandhom l-armi nukleari, bil-ħsieb li tiġi ppreżentata aġenda komuni bil-għan li tonqos progressivament il-ħażna ta' testati nukleari; jappoġġa, b'mod partikolari, il-passi li qegħdin jittieħdu mill-Istati Uniti u r-Russja biex inaqqsu l-armi nukleari tagħhom b'mod sostanzjali, skont il-ftehimiet START I u SORT;

15.

Jilqa' f'dan ir-rigward id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa u tal-Istati Uniti biex jidħlu f'negozjati bil-ħsieb li jikkonkludu ftehim ġdid, komprensiv u vinkolanti li jieħu post it-Trattat għat-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START), li skada f'Diċembru 2009, u l-firma tal-“Konvenju konġunt għal ftehim ta' segwitu għall-iSTART 1” mill-Presidenti Barack Obama u Dmitri Medvedev f'Moska fis-6 ta' Lulju 2009; jilqa' l-progress reċenti fin-negozjati bejn l-Istati Uniti u r-Russja u jistenna bil-ħerqa l-ftehim finali fir-rigward tar-rawnd ta' taħditiet li jmiss li għandu jibda fid-9 ta' Marzu 2010 f'Ġinevra;

16.

Jieħu nota tal-fatt li l-Istati Uniti rrinunzjat għall-pjanijiet oriġinali tagħha għal sistema ta' protezzjoni missilistika fl-Ewropa; jagħti l-appoġġ tiegħu għal strateġija ġdida li tinkludi l-Ewropa kollha u r-Russja;

17.

Jitlob li jiġu stabbiliti żoni ħielsa mill-periklu nukleari bħala pass pożittiv lejn dinja ħielsa mill-periklu nukleari; hu tal-fehma, f'dan ir-rigward, li żona ħielsa mill-periklu nukleari fil-Lvant Nofsani hi ta' importanza fundamentali biex tinkiseb paċi dejjiema u komprensiva fir-reġjun; jirrimarka li, jekk jiġu rtirati t-testati tattiċi kollha fl-Ewropa, dan jista' jkun, sadattant, preċedent biex id-diżarm nukleari jkompli jseħħ;

18.

Jiġbed l-attenzjoni għall-anakroniżmu strateġiku tal-armi nukleari tattiċi u l-ħtieġa li l-Ewropa tikkontribwixxi għat-tnaqqis tagħhom u teliminahom minn fuq it-territorju Ewropew fil-kwadru ta' djalogu aktar wiesa' mar-Russja; fuq dan l-isfond, jinnota l-ftehim tal-koalizzjoni Ġermaniża tal-24 ta' Ottubru 2009 biex tibda l-ħidma għall-irtirar tal-armi nukleari mill-Ġermanja, bħala parti mill-proċess ġenerali biex jintlaħaq l-għan ta' dinja ħielsa mill-periklu nukleari; jilqa' b'sodisfazzjon l-ittra mibgħuta fis-26 ta' Frar 2010 mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, tal-Pajjiżi Baxxi, tal-Belġju, tal-Lussemburgu u tan-Norveġja lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO li titlob li ssir diskussjoni komprensiva fl-Alleanza dwar kif tista' toqrob lejn l-għan politiku ġenerali ta' dinja mingħajr armi nukleari;

19.

Jappoġġa l-istrateġija fuq żewġ binarji rigward il-programm nukleari tal-Iran; iħeġġeġ mill-ġdid lill-Iran biex jikkonforma bis-sħiħ u bla dewmien mal-obbligi tiegħu skont ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-IAEA, b'mod partikolari biex jintlaħqu r-rekwiżiti mfassla mir-riżoluzzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-IAEA fis-27 ta' Novembru 2009; iħeġġeġ lill-Kunsill biex jappoġġa l-azzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jekk l-Iran ikompli ma jikkoperax mal-komunità internazzjonali dwar il-programm nukleari tiegħu; jistieden lill-Kunsill biex ikun lest jieħu dawk il-miżuri meħtieġa, “smart”, speċifiċi u ffukati fuq in-nonproliferazzjoni, fosthom sanzjonijiet, biex jakkumpanjaw il-proċess tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

20.

Jiddeplora l-aħħar testijiet nukleari li saru mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u l-fatt li dan il-pajjiż ċaħad ir-Riżoluzzjoni 1887 (2009) tal-24 ta' Settembru 2009 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jappoġġa, madankollu, l-istrateġija ta' djalogu bilaterali tal-Istati Uniti, fil-qafas tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet, sabiex tinkiseb id-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana u jinnota li ċ-Ċina għandha sehem speċjali f'dan ir-rigward;

21.

Jappoġġa t-tlaqqigħ tas-Samit tas-Sigurtà Nukleari f'April 2010, filwaqt li jirrikonoxxi li n-negozju mhux awtorizzat u l-użu ta' materjal nukleari huwa theddida immedjata u serja għas-sigurtà globali, u jistenna bil-ħerqa li jsiru proposti konkreti biex tikber is-sigurtà tal-materjal nukleari vulnerabbli, li jistgħu jinkludu miżuri għall-istħarriġ effikaċi ta' każijiet fejn materjal kien żvijat illegalment u għall-proċedimenti kontra dawk responsabbli;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Istati Membri, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Konferenza għar-Reviżjoni tal-2010 tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni u lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA.


(1)  Testi adottati, P6_TA(2009)0333.

(2)  ĠU C 98 E, 23.4.2004, p. 152.

(3)  ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 253.

(4)  ĠU C 280E, 18.11.2006, p. 453.

(5)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 146.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2010)0016.

(7)  Testi adottati, P6_TA(2008)0255.

(8)  In-Nazzjonijiet Uniti: Konferenza għar-Reviżjoni tal-2000 tal-Partijiet għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, NPT/CONF.2000/28 (Partijiet I u II).


Il-Ħamis 11 ta’ Marzu 2010

22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/82


Il-Ħamis 11 ta’ Marzu 2010
Kuba

P7_TA(2010)0063

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar il-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba

2010/C 349 E/15

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni f'Kuba, b'mod partikolari dawk tal-17 ta' Novembru 2004, tat-2 ta’ Frar 2006 u tat-21 ta' Ġunju 2007,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja għall-2004, l-2005, l-2006, l-2007 u l-2008 u l-politika tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar is-segwitu tal-Premju Sakharov (1),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2005 dwar id-Damas de Blanco u d-dikjarazzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Marzu 2003 u tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar is-sitwazzjoni f'Kuba,

wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 96/697/PESK, adottata fit-2 ta' Diċembru 1996 u aġġornata perjodikament minn dak iż-żmien s'issa,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-18 ta' Ġunju 2007, ta' Ġunju 2008 u tal-15 ta' Ġunju 2009 dwar Kuba,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-kelliem għar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Barunessa Catherine Ashton, u mill-President tal-Parlament, Jerzy Buzek, dwar il-mewt f'Kuba tal-priġunier politiku u priġunier ta' kuxjenza Orlando Zapata Tamayo,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi d-difiża tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, tibqa' wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea,

B.

billi għadd kbir ta' ġurnalisti indipendenti, dissidenti paċifiċi u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-biċċa l-kbira membri tal-oppożizzjoni demokratika, għadhom qed jinżammu l-ħabs f'Kuba talli eżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom tal-espressjoni u tal-assemblea kif ukoll id-dritt li jiltaqgħu,

C.

billi l-Parlament ta l-Premju Sakharov 2005 għal-Libertà tal-Ħsieb lid-Damas de Blanco; billi r-rifjut tal-awtoritajiet Kubani li jippermettu lid-Damas de Blanco li jivvjaġġaw lejn is-sede tal-Parlament biex jirċievu l-premju jikser wieħed mid-drittijiet bażiċi tal-bniedem, jiġifieri d-dritt li wieħed jitlaq minn pajjiżu u jirritorna liberament, kif miktub fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

D.

billi l-istituzzjonijiet komunitarji għamlu sforz għall-ħelsien u t-trattament umanitarju tal-priġunieri politiċi u l-priġunieri ta' kuxjenza f'Kuba,

E.

billi l-mewt ta' Orlando Zapata Tamayo – l-ewwel darba fi kważi 40 sena li attivist Kuban miet minħabba strajk tal-ġuħ bħala protesta kontra l-abbużi tal-Gvern – titqies bħala pass kbir lura għad-drittijiet tal-bniedem f'Kuba u wasslet għal mewġa ta' protesti f'livell internazzjonali kif ukoll biex aktar priġunieri dissidenti u politiċi Kubani jibdew strajk tal-ġuħ,

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-mewt evitabbli u krudili tal-priġunier dissidenti politiku Orlando Zapata Tamayo wara strajk tal-ġuħ li dam 85 jum, u jesprimi s-solidarjetà u l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tiegħu;

2.

Jikkundanna d-detenzjoni preventiva ta' attivisti u t-tentattiv tal-gvern li ma jħallix lill-familja ta' Orlando Zapata Tamayo tagħmillu funeral u tagħtih l-aħħar tislima;

3.

Jiddeplora n-nuqqas ta' xi sinjal sinifikanti ta' reazzjoni mill-awtoritajiet Kubani għat-talbiet mill-UE u mill-komunità internazzjonali sabiex il-priġunieri politiċi kollha jinħelsu u biex il-libertajiet fundamentali, speċjalment il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni politika, jitħarsu għalkollox;

4.

Jistieden lill-Gvern Kuban biex jeħles minnufih u bla kundizzjonijiet lill-priġunieri politiċi u lill-priġunieri tal-kuxjenza kollha;

5.

Ileħħen it-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi u d-dissidenti li bdew strajk tal-ġuħ wara l-mewt ta' Zapata; jilqa' l-fatt li ħafna minnhom issa reġgħu bdew jieklu, iżda jiġbed l-attenzjoni fuq l-istat allarmanti tal-ġurnalist u psikologu Guillermo Fariñas, li għadu għaddej bi strajk tal-ġuħ li jista' jkollu konsegwenzi fatali;

6.

Jiddeplora l-fatt li ma ntlaqgħux it-talbiet ripetuti tal-Parlament u tal-Kunsill għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi u l-priġunieri ta' kuxjenza kollha, u jinsisti li l-priġunerija tad-dissidenti f'Kuba minħabba l-ideali u l-attività politika paċifika tagħhom tmur kontra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

7.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżidu l-azzjoni tagħhom biex jesiġu l-ħelsien tal-priġunieri politiċi u jippromwovu u jipprovdu garanziji għax-xogħol tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma ġie miftiehem mill-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Diċembru 2009;

8.

Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jagħtu l-appoġġ bla kundizzjonijiet u l-inkoraġġiment sħiħ għat-tnedija ta' proċess paċifiku ta' tranżizzjoni politika lejn demokrazija b'diversi partiti f'Kuba;

9.

Ileħħen is-solidarjetà qawwija tiegħu mal-poplu Kuban kollu u l-appoġġ tiegħu għalihom fil-progress taħghom lejn id-demokrazija u r-rispett u l-promozzjoni tal-libertajiet fundamentali;

10.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kummissarju responsabbli għall-kooperazzjoni biex b'mod immedjat jibdew djalogu strutturat mas-soċjetà ċivili Kubana u ma' dawk li jappoġġjaw tranżizzjoni paċifika f'Kuba, skont il-konklużjonijiet adottata suċċessivament mill-Kunsill tal-UE, bl-użu tal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Komunità, b'mod partikolari l-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza b'rotazzjoni tal-UE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latina-Amerikana u lill-Gvern u l-Assemblea Nazzjonali tas-Setgħa tal-Poplu ta' Kuba.


(1)  Testi adottati, P6_TA(2006)0601.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/84


Il-Ħamis 11 ta’ Marzu 2010
L-Investiment f'Teknoloġiji b'Livell Baxx ta' Karbonju

P7_TA(2010)0064

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar l-investiment fl-iżvilupp ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju (SET-Plan)

2010/C 349 E/16

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2008,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Investiment fl-Iżvilupp ta' Teknoloġiji b’livell baxx ta' Karbonju (SET-Plan) (COM(2009)0519) u l-Karti ta' Ħidma li jfasslu il-pjanijiet direzzjonali għat-teknoloġija 2010-2020 għall-implimentazzjoni tas-SET-Plan (SEC(2009)1295) u l-investiment tar-riċerka u l-iżvilupp fit-teknoloġiji prijoritarji (SEC(2009)1296),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008, dwar il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (2008/2005(INI)) (1),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1982/2006/KE tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1639/2006/KE tal-24 t'Ottubru 2006, li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 663/2009 tat-13 ta' Lulju 2009, li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009, li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (6),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 dwar il-Politika tal-Enerġija għall-Ewropa, li tiddefinixxi l-objettivi ewlenin tal-UE għall-enerġija bħala s-sostenibilità, il-kompetittività u s-sigurtà tal-enerġija (COM(2007)0001),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar ir-riżultat tal-Konferenza ta' Kopenħagen dwar il-Bidla fil-Klima (COP 15) (7),

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tat-12 ta' Frar 2010 dwar l-investiment fl-iżvilupp ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju (SET-Plan) (O-0015/2010 – B7-0011/2010, O-0016/2010 – B7-0012/2010),

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Unjoni Ewropea huwa biss jekk iżżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa portafoll ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju li jkollhom prezz raġjonevoli, u jkunu nodfa, effiċjenti u sostenibbli, li tista' tikseb l-objettiv tagħha għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'20 %, u bi 30 % f'każ ta' ftehim internazzjonali, billi jonqos l-użu tal-enerġija b'20 % f’paragun mal-livelli projettati u tintlaħaq ċifra ta' mill-inqas 20 % tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli sal-2020,

B.

billi dawn it-teknoloġiji jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni biex jiġu indirizzati kif xieraq l-isfidi tal-bidla fil-klima, biex tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija fl-UE u biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-ekonomiji tagħna,

C.

billi l-baġits pubbliċi u privati għar-riċerka fl-enerġija naqsu mis-snin 80; billi l-livell attwali ta' riżorsi mhuwiex kompatibbli mal-iskala tal-isfidi fiċ-ċaqliqa lejn sistema tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju,

D.

billi l-finanzjament jikkostitiwixxi waħda mill-ikbar sfidi biex titkompla l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija fl-UE,

E.

billi fil-qasam tas-sitt Inizjattivi Industrijali Ewropej (EIIs), il-Kummissjoni tidentifika bżonn ta' investiment pubbliku u privat tul l-10 snin li ġejjin ta' EUR 6 biljuni għall-enerġija mir-riħ, EUR 16-il biljun għall-enerġija mix-xemx, EUR 2 biljuni għan-netwerks tal-elettriku, EUR 9 biljuni għall-bijoenerġija, EUR 13-il biljun għall-Qabda u l-Ħażna tal-Karbonju (CCS), EUR 7 biljuni għall-fissjoni nukleari u EUR 5 biljuni għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta (JTI) dwar iċ-ċelloli tal-fjuwil u l-idroġenu,

F.

billi s-SET-Plan għandu l-objettiv u l-potenzjal li jagħmel mill-UE ekonomija innovattiva, u b'hekk joħloq eluf ta' impjiegi ġodda ta' sengħa fl-10 snin li ġejjin u jmexxi 'l quddiem settur industrijali li qed jikber malajr,

G.

billi l-bidla li hemm bżonn urġenti tagħha fil-paradigma tal-enerġija teħtieġ li jittieħed approċċ ta' qsim tar-riskju, li fih l-atturi rilevanti kollha, pubbliċi u privati, għandhom jieħdu responsabilità maqsuma, li jimplika l-bżonn ta' appoġġ finanzjarju pubbliku ikbar, iżda wkoll il-bżonn li l-industrija, il-banek u l-investituri privati jieħdu aktar responsabilità għar-riskji teknoloġiċi u kummerċjali,

H.

billi r-riċerka qatt mhi ffinanzjata biżżejjed fl-UE,

1.

Jilqa' s-SET-Plan bħala li jiddeskrivi azzjonijiet konkreti għal riċerka fil-qasam ta' teknoloġiji tal-enerġija b'livell baxx ta' karbonju li jkunu nodfa, sostenibbli u effiċjenti; jenfasizza l-potenzjal tiegħu li jagħmel mill-UE ekonomija innovattiva; jenfasizza wkoll li, mingħajr dan l-approċċ il-ġdid, l-UE ma tistax tilħaq l-għanijiet tagħha għall-enerġija u l-klima sal-2020;

2.

Jirrikonoxxi l-bżonn li jiżdied b'mod sostanzjali l-investiment pubbliku u privat fl-iżvilupp ta' teknoloġiji sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju, sabiex tingħata spinta lill-iżvilupp, l-użu bi prezz raġjonevoli u l-applikazzjoni mgħaġġla u mxerrda ta' dawn it-teknoloġiji tul l-10 snin li ġejjin;

3.

Jemmen ħafna li l-bżonnijiet ta' finanzjament għall-implimentazzjoni tas-SET-Plan jistgħu biss jintlaħqu jekk isiru disponibbli iktar riżorsi pubbliċi u privati u li s-SET-Plan ikun biss kredibbli jekk jiġu allokati lilu mill-ġdid flus ġodda mill-baġit tal-UE;

4.

Jitlob kemm lill-partijiet interessati pubbliċi kif ukoll lil dawk privati biex jallokaw immedjatament iktar riżorsi għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet direzzjonali miftehma, li minnhom il-parti l-kbira trid toħroġ mis-settur privat b'żieda sostanzjali fil-parti tal-investiment pubbliku fil-livell tal-UE u anke f'dak nazzjonali;

5.

Jenfasizza li, fid-dawl tal-kriżi ekonomika, l-investiment fit-teknoloġiji ġodda li jkollhom l-ikbar potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi għandu jkun prijorità; jenfasizza li dan se jwassal għall-ħolqien ta' swieq, joħloq flussi ġodda ta' dħul u jikkontribwixxi fl-iżvilupp tal-ekonomija u l-kompetittività tal-UE; fl-aħħarnett jenfasizza li, barra minn hekk, dan se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE u jnaqqas id-dipendenza enerġetika tagħha minn numru limitat ta' riżorsi tal-enerġija, fornituri u rotot ta' trasport;

6.

Itenni t-talba tiegħu biex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-appoġġ ta' teknoloġiji tal-enerġija nodfa, sostenibbli u effiċjenti b'livell baxx ta' karbonju, li jammonta għal total minimu ta' EUR 2 biljuni kull sena tal-baġit tal-UE li għandu jintefaq minbarra l-FP7 u s-CIP mill-2010 'l quddiem; jitlob f'dan il-kuntest sabiex tiġi stabbilita b'mod urġenti skeda ta' żmien għall-finanzjament mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tar-riżorsi li se jimpenjaw biex jiżguraw li l-fondi jibdew ikunu disponibbli mill-2010;

7.

Jitlob, barra minn hekk, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex japprofittaw mid-dibattitu dwar ir-reviżjoni f'nofs it-terminu tal-perspettivi finanzjarji attwali u dwar id-dibattitu rigward il-perspettivi finanzjarji li jmiss, sabiex ikun hemm koerenza ikbar bejn il-baġits tal-UE attwali u futuri u l-prijoritajiet ta' politika, partikolarment fir-rigward tar-riċerka, l-azzjoni dwar il-klima u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;

8.

Iqis li huwa assolutament neċessarju li jintużaw malajr l-allowances ta' EUR 300 miljun imwarrba mir-Riżerva għall-Entranti Ġodda tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS) għall-appoġġ tal-qabda u l-ħażna tal-karbonju u s-sorsi rinnovabbli innovattivi tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) biex joħloq koerenza bejn il-kriterji ta' self tiegħu u l-istallazzjonijiet rinnovabbli innovattivi eliġibbli;

9.

Ifakkar lill-Istati Membri li mill-2013 'l quddiem, id-dħul mill-irkant tal-ETS se jkun sors kruċjali ta' finanzjament għall-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u għall-użu u l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju;

10.

Jitlob li r-rwol tal-BEI fi proġetti ta' finanzjament relatati mal-enerġija jitwessa', b'mod partikolari billi jiżdiedu l-miri ta' self fil-qasam tal-enerġija, billi tiżdied il-kapaċità ta' offerta ta' garanziji ta' ipoteki għal proġetti ta' enerġija u billi jittejbu l-koordinazzjoni u l-kontinwità tal-finanzjament għal proġetti tal-enerġija tar-riċerka u żvilupp b'riskju ogħla;

11.

Jistieden lill-BEI biex iqis bi prijorità xierqa dawk il-proġetti li se jtejbu b'mod realistiku l-vijabilità tal-wirjiet tat-teknoloġija sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju (eż. l-iżvilupp ta' xbieki ta' tixrid għaqli u faċilitajiet idrawliċi żgħar);

12.

Jilqa' l-inizjattivi li qed jitwettqu bħalissa bħall-Faċilità ta' Finanzjament għall-Qsim tar-Riskji (RSFF), il-“Fond Marguerite” (Fond ta' Kapital Privat tal-2020 għall-Enerġija, il-Bidla fil-Klima u l-Infrastruttura), il-kapital tar-riskju u l-Faċilità għall-SMEs Innovattivi b'Rata Għolja ta' Tkabbir (GIF), li r-rwol tagħhom fil-kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' inizjattivi tas-SET-Plan għandu jissaħħaħ u jitressaq għal proċedura ta' evalwazzjoni xierqa fir-reviżjoni f'nofs it-terminu;

13.

Jitlob lill-Kummissjoni biex, b'koperazzjoni mill-qrib mal-BEI, tfassal mingħajr dewmien u sa mhux iktar tard mill-2011 proposta komprensiva għal strument biex jiġu ffinanzjati proġetti ta' enerġija rinnovabbli u ta' effiċjenza fl-enerġija u l-iżvilupp ta' smart grids;

14.

Jisħaq dwar il-ħtieġa li titkabbar il-kapaċità tal-bażi ta' riċerka tal-UE u dwar l-importanza kbira ta' tagħlim u taħriġ aktar avvanzat biex ikun hemm ir-riżorsi umani fi kwantità u kwalità meħtieġa ħalli jittieħed il-benefiċċju sħiħ tal-opportunitajiet tat-teknoloġiji ġodda li qed ifiġġu;

15.

Jenfasizza l-bżonn li jinħolqu l-kundizzjonijiet adegwati u qafas regolatorju stabbli u favorevoli għall-appoġġ tat-twaqqif ta' sħubiji pubbliċi-privati, li huma prerekwiżit għall-implimentazzjoni tas-SET-Plan u l-Inizjattivi Industrijali Ewropej (EIIs);

16.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-produtturi tat-teknoloġija jistgħu japplikaw direttament għall-finanzjament mis-SET-Plan, mhux biss bħala membri ta' konsorzji ta' produtturi tal-enerġija, bħal mhuwa l-każ tal-programm ta' rkupru ekonomiku u ta' NER300;

17.

Jirrikonoxxi li s-SMEs jikkostitwixxu forza ta' spinta maġġuri fl-iżvilupp ta' ħafna teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta' sistemi tal-enerġija iktar deċentralizzati, u jenfasizza għalhekk li l-aċċess għall-allowances pubbliċi u s-self, inkluż il-finanzjament taħt is-SET-Plan, għandhom jitfasslu b'mod li jkunu favorevoli għas-SMEs; jitlob li sehem sinifikanti ferm mill-finanzjament tal-UE taħt is-SET-Plan jiġi allokat għas-SMEs;

18.

Jilqa' l-iffokar fuq il-finanzjament ta' proġetti ta' wiri (fuq skala kbira); jenfasizza madankollu l-bżonn li jsiru disponibbli fondi għal riċerka riskjuża bażika u applikata fuq medda ta' żmien medja u twila wkoll;

19.

Jistieden lill-Alleanza Ewropea għar-Riċerka fl-Enerġija (EERA) biex tniedi u timplimenta programmi konġunti għall-implimentazzjoni tas-SET-Plan billi tiżviluppa rabtiet qawwija mal-EIIs u tespandi l-attivitajiet tagħha; jisħaq fuq il-fatt li, jekk l-EERA se tieħu kompletament dan ir-rwol, għandhom jiġu allokati biżżejjed fondi mill-UE u l-baġits nazzjonali;

20.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERC) mhuwa qed jippjana l-ebda programmi speċifiċi relatati mal-enerġija, u b'hekk qed juri nuqqas ta' investiment xieraq f'riċerka bażika;

21.

Jilqa' l-iniżjattiva tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (EIT) li tniedi Komunitajiet speċifiċi ta' Għarfien u Innovazzjoni (KICs) dwar l-enerġija sostenibbli u l-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima u l-adattament għaliha;

22.

Jilqa' l-proposta li l-Inizjattiva ta' Smart Cities il-ġdida, li tiffoka fuq l-effiċjenza fl-enerġija fi bliet Ewropej (b'mod partikolari l-firmatarji tal-Patt tas-Sindki), tiżdied mas-sitt EIIs eżistenti bl-għan li jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-massa mis-suq ta' teknoloġiji tal-enerġija effiċjenti fl-użu tal-enerġija u rinnovabbli kif ukoll xbieki ta' tixrid għaqli fiż-żoni urbani; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw malajr din l-inizjattiva l-ġdida, li tagħti spinta lill-ekonomija lokali u tippromwovi l-koeżjoni soċjali, billi jinvolvu bis-sħiħ l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li għandhom rwol fundamentali fil-promozzjoni u l-użu ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju;

23.

Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligi tagħha ta' rappurtaġġ skont ir-Regolament dwar il-Pjan ta' Rkupru tal-Enerġija u dwar l-impenn tagħha li tagħmel proposti addizzjonali li jippermettu finanzjament għal proġetti fl-oqsma tal-effiċjenza tal-enerġija u tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jekk jibqa' l-flus wara s-sejħa għall-proposti; jistenna li EUR 116,19 miljun ta' flus mhux impenjati jkunu disponibbli għall-proġetti ta' dan it-tip;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jesploraw ulterjorment u jxerrdu approċċi innovattivi għall-ippjanar u l-iżvilupp tal-bliet, partikolarment l-ippjanar integrat tal-bliet li jissodisfa l-ħtiġijiet għal inklużjoni soċjali b'saħħitha, koeżjoni territorjali u użu qawwi ta' enerġija sostenibbli u trasport nadif sabiex jinbnew sistemi urbani b'saħħithom;

25.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq inizjattivi kumplimentari biex jiġi sfruttat il-potenzjal kbir ta' rotot teknoloġiċi oħra msemmija fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Investiment fl-Iżvilupp ta' Teknoloġiji b'Livell Baxx ta' Karbonju (SET-Plan) tas-7 t'Ottubru 2009, kif ukoll il-potenzjal ta' gradjenti tas-salinità u ta' enerġija ġeotermali; jenfasizza l-bżonn li jsiru disponibbli riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE sabiex dawn jiġu ffinanzjati;

26.

Jilqa' l-għażla ta' sitt EIIs u t-tfassil ta' pjanijiet direzzjonali għat-teknoloġija 2010-2020 li jipprovdu objettivi konkreti biex kull teknoloġija sostenibbli b'livell baxx tal-karbonju ssir kompetittiva fil-prezz, u jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi EIIs maturi, u tiżgura li l-istruttura ta' governanza tagħhom tkun ħafifa, mhux burokratika u trasparenti, u li element komuni ċentrali jkun f'kuntatt regolari mal-Grupp ta' Tmexxija tas-SET-Plan u mal-BEI;

27.

Jistieden lill-Grupp ta' Tmexxija tas-SET-Plan biex jirrapporta lill-Parlament Ewropew darba fis-sena u biex jikkunsidra struttura usa' ta' għarfien espert billi joħloq gruppi ta' ħidma teknika fl-oqsma ta' interess sabiex jiġi involut għadd ikbar ta' partijiet interessati fid-diskussjoni u fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni biex trawwem koperazzjoni internazzjonali ma' msieħba strateġiċi ewlenin oħra f'pajjiżi żviluppati, emerġenti u li qed jiżviluppaw fil-qasam tal-iżvilupp, tal-użu u tat-tixrid ta' teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli b'livell baxx tal-karbonju, partikolarment permezz ta' fondi bħall-GEEREF, li jiffokaw fuq proġetti fuq skala żgħira;

29.

Jilqa' l-azzjonijiet biex titnieda koperazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-enerġija, bħal dik li nbdiet permezz tat-twaqqif reċenti tal-Kunsill tal-Enerġija UE-Stati Uniti; jistieden f'dan il-kuntest lill-Kunsill tal-Enerġija biex jisfrutta sinerġiji għall-implimentazzjoni tas-SET-Plan;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu skambju dinji tal-emissjonijiet tal-karbonju biex jinħoloq ambjent kompetittiv stabbli u ġust għall-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji sostenibbli b'livell baxx tal-karbonju;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja l-implimentazzjoni effettiva tas-SET-Plan, tintroduċi sistema ta' evalwazzjoni ta' akkopanjament għal dan l-għan, tevalwa kwalunkwe ostaklu fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet direzzjonali u tinforma lill-Parlament b'mod regolari dwar il-progress imwettaq fl-implimentazzjoni tas-SET-Plan u tal-pjanijiet direzzjonali tiegħu;

32.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  Testi adottati, P6_TA(2008)0354.

(2)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1

(3)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.

(4)  ĠU L 200, 31.7.2009, p. 31.

(5)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(6)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2010)0019.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/88


Il-Ħamis 11 ta’ Marzu 2010
Diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra u l-effetti tat-tempesta Xynthia fl-Ewropa

P7_TA(2010)0065

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar id-diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra u l-effetti tat-tempesta “Xynthia” fl-Ewropa

2010/C 349 E/17

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-UE, u l-Artikolu 191 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2005)0108) u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-18 ta' Mejju 2006 (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-5 ta' Settembru 2002 dwar l-għargħar fl-Ewropa (2), tat-8 ta' Settembru 2005 dwar id-diżastri naturali (in-nirien u l-għargħar) fl-Ewropa (3), u fis-7 ta' Settembru 2006 dwar in-nirien tal-foresti u l-għargħar (4), u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (in-nirien tal-foresti, n-nixfiet u l-għargħar) – l-aspetti agrikoli (5), l-aspetti tal-iżvilupp reġjonali (6) u l-aspetti ambjentali (7),

wara li kkunsidra l-white paper “L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM(2009)0147) wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (COM(2009)0082),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-diżastru naturali kbir fir-reġjun awtonomu ta' Madejra tal-24 ta' Frar 2010,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-20 ta' Frar 2010 seħħ diżastru naturali kbir f'Madejra, b'xita eċċessiva u bla preċedenti, irwiefen qawwija u mewġ enormi li kkawżaw il-mewt ta' mill-anqas 42 persuna f'Madejra, b'bosta persuni mitlufa, mijiet ta' persuni spustati u għexieren ta' persuni midruba,

B.

billi fis-27 u fit-28 ta' Frar 2010, tempesta enormi u qerrieda fuq skala kbira msejħa “Xynthia” laqtet il-punent ta' Franza, partikolarment ir-reġjuni ta' Poitou-Charentes, Pays-de-la-Loire u l-Bretanja, u kkawżat il-mewt ta' madwar 60 persuna, b’bosta persuni mitlufa u eluf li sfaw bla dar,

C.

billi numru ta' fenomeni meteoroloġiċi, speċjalment it-tempesta “Xynthia”, laqtu wkoll reġjuni differenti fi Spanja, partikolarment il-Gżejjer Kanarji u r-reġjun ta' Andalucia, kif ukoll il-Belġju, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Portugall, u kkawżaw bosta mwiet u ħsara materjali qawwija,

D.

billi dan id-diżastru kkawża tbatija qawwija lill-familji tal-vittmi u lill-popolazzjoni milquta,

E.

billi d-diżastru kkawża qerda fuq skala kbira, bi ħsarat sinifikanti lill-infrastrutturi pubbliċi - fosthom it-toroq, il-portijiet, il-provvista tal-ilma, l-elettriku, l-impjanti sanitarji u t-telekomunikazzjonijiet - kif ukoll lill-bini privat, stabbilimenti kummerċjali, l-industriji u r-raba' u għamel ukoll ħsara lill-wirt naturali u kulturali, billi b’mod partikolari l-ħsara lill-provvista tal-ilma u lill-impjanti sanitarji tista’ tkun ta' theddida għas-saħħa pubblika,

F.

billi d-diżastru bħalissa jimpedixxi lill-persuni milli jibqgħu għaddejjin bil-ħajja tagħhom ta' kuljum u x’aktarx ikollu impatt ekonomiku u soċjali fit-tul,

G.

billi jeħtieġ li ż-żoni milquta mid-diżastru jitnaddfu u jerġgħu jinbnew, kif ukoll jirkupraw il-potenzjal produttiv tagħhom u jiġu kkumpensati l-ispejjeż soċjali kkawżati mid-diżastru,

H.

billi fis-snin riċenti qed jidher ċar li l-problemi ta' għargħar, tempesti u fenomeni estremi tat-temp x’aktarx ikunu dejjem aktar frekwenti; billi l-investiment fit-tafja tat-tibdil fil-klima ukoll hu importanti għall-prevenzjoni tal-katastrofi,

I.

billi d-diżastri naturali għandhom konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta' ħsara għall-ekonomiji reġjonali, l-attività produttiva, l-akkwakultura, it-turiżmu, l-ambjent u l-bijodiversità,

1.

Jesprimi l-mogħdrija u s-solidarjetà tiegħu mar-reġjuni milquta, jiddispjaċih għall-konsegwenzi ekonomiċi serji ta' dawn id-diżastri naturali u partikolarment, jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lill-qraba kollha tal-vittmi;

2.

Ifaħħar lill-iskwadri ta' tiftix u salvataġġ li ħadmu bla waqfien biex isalvaw lin-nies u jillimitaw il-ħsara umana u materjali;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw lill-dawk milquta mill-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tad-diżastru;

4.

Jikkunsidra li l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jiffukaw fuq politiki ta' prevenzjoni effettivi u għandhom jagħtu aktar attenzjoni għal-leġiżlazzjoni u l-prattiċi adegwati marbutin mal-programmi ta' riforestazzjoni, mal-użu tal-art, mal-ġestjoni tal-ilma u mal-ġestjoni effettiva tar-riskju, fir-rispett, inter alia, għall-kostruzzjoni urbana ma' xatt il-baħar u l-bini ta' digi, u f’żoni agrikoli u afforestati;

5.

Jitlob lill-Kummissjoni, sabiex, hekk kif il-gvernijiet tal-pajjiżi milquta jressqu t-talbiet rispettivi tagħhom, immedjatament tieħu kull azzjoni meħtieġa għall-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà għall-Unjoni Ewropea bl-aktar mod urġenti u flessibbli u fl-akbar miżura possibbli;

6.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra n-natura speċifika tar-reġjuni individwali milquta, partikolarment il-fraġilità tar-reġjuni insulari u l-aktar imbiegħda, bil-għan li tingħata l-aqwa għajnuna possibbli lill-vittmi ta' dan id-diżastru;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex minbarra li timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, tkun miftuħa u flessibbli fir-rigward tan-negozjati mal-awtoritajiet rilevanti fir-reviżjoni tal-Programmi Operattivi Reġjonali Intervir+ (FEŻR) u Rumos (FSE) u l-ekwivalenti Franċiżi tagħhom, kif ukoll tat-taqsima dwar il-Madejra tal-Programm Operattiv Tematiku ta' Tisħiħ Territorjali, iffinanzjat mill-Fond ta' Koeżjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli għaddejja bir-reviżjoni tagħha malajr kemm jista' jkun u biex tanalizza l-possibilità li fl-2010 żżid ir-rata ta' kofinanzjament tal-Komunità għal proġetti speċifiċi fil-Programmi Operattivi rispettivi f'konformità mar-regoli u l-limiti massimi stipulati fir-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali 2007-2013 (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006), mingħajr ma terġa' tqajjem il-kwistjoni dwar il-pakkett finanzjarju annwali allokat lill-Istati Membri kkonċernati;

8.

Itenni li huwa importanti ħafna li jkun hemm Regolament ġdid dwar l-EUSF ibbażat fuq il-proposta tal-Kummissjoni (COM(2005)0108) biex jiġu indirizzati l-problemi kkawżati mid-diżastri naturali b'mod aktar flessibbli u effettiv; jikkritika l-fatt li l-Kunsill imblokka d-dossier minkejja l-fatt li l-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu b'maġġoranza kbira ħafna fl-ewwel qari f'Mejju 2006; iħeġġeġ lill-Presidenza Spanjola u lill-Kummissjoni sabiex tinstab soluzzjoni mingħajr dewmien għall-attivazzjoni mill-ġdid ta' dan ir-Regolament, bil-għan li jinħoloq strument aktar qawwi u aktar flessibbli li jkun kapaċi jiffaċċja b’mod aktar effettiv l-isfidi l-ġodda tat-tibdil fil-klima;

9.

Jitlob lill-Istati Membri u lir-reġjuni milquta sabiex jniedu pjanijiet adegwati ta' restawr u riabilitazzjoni għaż-żoni milquta; jitlob lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-ħtieġa li għal investimenti fit-tul f'politiki ta' prevenzjoni ta' dawn id-diżastri u l-limitazzjoni tal-ħsarat tagħhom;

10.

Jitlob lill-Istati Membri biex jadattaw għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima billi jsegwu l-leġiżlazzjoni eżistenti permezz ta' approċċ integrat fl-oqsma kollha kkonċernati;

11.

Jisħaq fuq il-bżonn li r-rakkomandazzjonijiet tal-White Paper dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima jiġu tradotti f'miżuri konkreti u li jittieħdu passi sabiex jiġi żgurat li l-adattament għat-tibdil fil-klima jsir realtà fl-Unjoni Ewropea;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Gvern tar-Reġjun Awtonomu ta' Madejra.


(1)  ĠU C 297 E, 7.12.2006, p. 331.

(2)  ĠU C 272 E, 13.11.2003, p. 471.

(3)  ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 322.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2006)0349.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2006)0222.

(6)  Testi adottati, P6_TA(2006)0223.

(7)  Testi adottati, P6_TA(2006)0224.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/91


Il-Ħamis 11 ta’ Marzu 2010
Il-każ ta' Gilad Shalit

P7_TA(2010)0066

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar Gilad Shalit

2010/C 349 E/18

Il-Parlament Ewropew,

war li kkunsidra t-Tielet Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949 u l-Artikolu Komuni 3 tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali Kontra l-Ħtif tal-Ostaġġi tal-1979,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tat- 18 ta' Novembru 2009, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża, li ‧tistieden lil dawk li qed iżommu lis-suldat Iżraeljan maħtuf Gilad Shalit biex jeħilsuh bla dewmien‧,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 921 tal-Kungress tal-Istati Uniti tat- 18 ta' Lulju 2006,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, li inkludew sejħa biex Gilad Shalit jinħeles,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Kapural (illum is-Surġent) Gilad Shalit inħataf mill-Ħamas fuq it-territorju tal-Iżrael fil- 25 ta' Ġunju 2006,

B.

billi s-Surġent Sħalit huwa ċittadin Ewropew (Franċiż) u Iżraeljan,

C.

billi, mindu nħataf bħala ostaġġ, is-Surġent Shalit inżamm iżolat f'Gaża u ċċaħħad mid-drittijiet bażiċi skont l-Artikolu Komuni 3 tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u tat-Tielet Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949,

D.

billi l-Ħamas ħadet ir-responsabbiltà għall-issuktar taż-żamma tas-Surġent Shalit u ddikjarat li qiegħed jinżamm skont it-Tielet Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949,

E.

billi jeħtieġ li l-liġi internazzjonali umanitarja u l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jkunu rrispettati mill-partijiet kollha fil-kunflitt fil-Lvant Nofsani u fiċ-ċirkustanzi kollha,

F.

billi l-bini tal-fiduċja bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani huwa parti essenzjali minn proċess tal-paċi li jwassal għal sitwazzjoni fejn żewġ stati jistgħu jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà,

G.

billi vidjo, li wasal f'Ottubru 2009, juri lis-suldat maħtuf iżomm f'idejh gazzetta ta' Gaża li ġġib id-data tat-Tnejn 14 ta' Settembru 2009, huwa l-aktar prova konklużiva li s-Surġent Shalit huwa ħaj,

1.

Isejjaħ biex is-Surġent Gilad Shalit jinħeles immedjatament;

2.

Jistieden lll-Ħamas iżżomm kelmitha u lis-Surġent Shalit tagħtih id-drittijiet u l-privileġġi skont it-Tielet Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949;

3.

Jiddeplora li komplew jiġu skartati d-drittijiet umani bażiċi tas-Surġent Shalit u l-fatt li l-familja tiegħu u l-awtoritajiet Iżraeljani u Franċiżi ma tħallewx jiksbu informazzjoni dwar il-benessri tiegħu; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Ħamas biex bla dewmien tħalli lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar iżżur lis-Surġent Shalit, u biex tippermettilu jikkomunika mal-familja tiegħu skont it-Tielet Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949;

4.

Jisħaq fuq l-importanza ta' progress lejn soluzzjoni ta' żewġ stati u jilqa' l-varar mill-ġdid ta' negozjati ta' prossimità bejn l-Iżrael u l-Awtorità Palestinjana;

5.

Jenfasizza li miżuri għall-bini tal-fiduċja min-naħat kollha, inkluż ir-rilaxx ta' għadd sinifikanti ta' priġunieri Palestinjani, jistgħu jgħinu biex tinħoloq atmosfera kostruttiva li twassal biex jinħeles is-Surġent Shalit;

6.

Jagħti istruzzjonjiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Awtorità Palestinjana u lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/92


Il-Ħamis 11 ta’ Marzu 2010
L-eskalazzjoni tal-vjolenza fil-Messiku

P7_TA(2010)0067

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar iż-żieda tal-vjolenza fil-Messiku

2010/C 349 E/19

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, Koordinazzjoni Politika u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Messiku,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu tal-2009 dwar l-Isħubija Strateġika UE-Messiku,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-15 ta' Lulju 2008 bit-titolu “Lejn Partenarjat Strateġiku bejn l-UE u l-Messiku” (COM(2008)0447),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-30 ta' Settembru 2009 bit-titolu “L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Atturi Globali fi Sħubija” (COM (2009)0495),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar l-qtil tan-nisa (“femiċidju”) fil-Messiku u fl-Amerika Ċentrali u r-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-UE dwar il-qtil tal-ġurnalisti José Luis Romero, Valentín Valdés Espinosa u Jorge Ochoa Martínez,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-ħames samits tal-kapijiet tal-istati u tal-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea, tal-Amerika Latina u tal-Karibew (UE-LAC) li saru f’Rio de Janeiro (fit-28 u d-29 ta' Ġunju 1999), f’Madrid (fis-17 u t-18 ta' Mejju 2002), fi Guadalajara (fit-28 u d-29 ta' Mejju 2004), fi Vjenna (fit-12 u t-13 ta' Mejju 2006) u f'Lima (fis-16 u s-17 ta' Mejju 2008),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tas-17 ta' Mejju 2008 tar-IV Samit UE-Messiku li saret f’Lima,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni konġunta tad-9 Laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta UE-Messiku li saret fi Brussell f’Novembru 2009,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Messiku u l-Unjoni Ewropea għandhom valuri komuni li jidhru fis-soċjetajiet demokratiċi, pluralisti, li jħarsu l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, kif ukoll l-impenn tal-konsolidazzjoni tad-demokrazija, is-sigurtà legali, il-ġlieda kontra l-faqar u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ġust,

B.

billi s-sistemi demokratiċi tagħna għandhom id-dmir u l-obbligu li jiggarantixxu il-funzjonament tal-istat tad-dritt u li r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u, għalhekk, it-tgawdija u l-eżerċitar tal-libertajiet, kif ukoll id-dritt tal-integrità fiżika jikkostitwixxu wieħed mill-pilastri bażiċi tal-istat tad-dritt,

C.

billi l-kawżi tal-vjolenza u n-nuqqas ta' siġurtà fil-Messiku ma jistgħux jinfirdu mill-problema strutturali tal-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni li huma oqsma li marru lura minn meta bdiet il-kriżi ekonomika globali u li hija meħtieġa viżjoni strateġika integrali tal-iżvilupp inklussiv fit-tul sabiex navvanzaw fil-koeżjoni soċjali,

D.

billi l-Isħubija Strateġika UE-Messiku toħloq opportunitajiet għal kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn il-Messiku u l-UE fi kwistjonijiet ta' importanza globali u b'mod partikulari għal djalogu mtejjeb u iktar koordinazzjoni u għall-iżvilupp tal-iskambji f'oqsma bħal ma huma s-sigurtà, id-drittijiet tal-bniedem, ir-riforma elettorali, l-iżvilupp reġjonali u l-politiki ta' kummerċ u tar-regolamentazzjoni,

E.

billi l-Isħubija Strateġika se tkun tinkludi, għalhekk, iktar kooperazzjoni fi kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u ż-żewġ partijiet ikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jikkooperaw mill-qrib bl-għan komuni li jintlaħqu l-ogħla standards marbuta mad-drittijiet tal-bniedem,

F.

billi l-Messiku jipparteċipa fil-forums reġjonali u universali kollha u ffirma l-ftehimiet internazzjonali kollha relatati mad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li fost oħrajn jinkludu, naturalment, il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa; billi, bl-istess mod, il-Messiku jippromwovi l-leġiżlazzjoni favur l-ugwaljanza tas-sessi,

G.

billi fl-2008 il-Programm ta' Kooperazzjoni UE-Messiku dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-qafas tal-Programm ta' kooperazzjoni bilaterali UE-Messiku 2007-2013, u li bħala prijorità jinkludi l-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-promozzjoni tad-drittijiet tan-nisa, bi programmi speċifiċi f’dan ir-rigward,

H.

billi l-istabbiliment tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, li bħala prijoritajiet għandu l-appoġġ għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, il-promozzjoni tal-konformità mad-drittijiet tal-bniedem mill-membri tal-forzi tas-sigurtà pubblika, l-appoġġ għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni u l-inklużjoni ta' standards internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja,

I.

billi l-Messiku għaddej minn żieda ta' vjolenza li tirriżulta prinċipalment mit-traffikar tad-drogi partikolarment fiż-żona tal-fruntieri mal-Istati Uniti, li tirriżulta primarjament mill-ġlieda bejn il-gruppi kriminali għall-kontroll tal-provvista, f’termini ta' produzzjoni u traffikar, għas-suq enormi fl-Istati Uniti, u b’mod sekondarju mill-impatt tal-attakk tal-gvern Messikan kontra din is-sitwazzjoni,

J.

billi l-importanza tal-pjan mniedi mill-gvern dwar is-saħħa, l-edukazzjoni u l-koeżjoni soċjali, kif ukoll it-tisħiħ tal-istrateġija politika għall-irkupru ta' Ciudad Juárez; billi dan il-pjan, li jiswa EUR 200 miljun, se jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-kawżi soċjali tal-vjolenza, minkejja li l-intensifikazzjoni tal-isforzi għal dan il-għan hija meqjusa meħtieġa,

K.

billi l-Gvern Messikan wera impenn kbir għat-titjib tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż, inkluż żieda notevoli tal-baġit għall-forzi tas-sigurtà u r-riforma tal-istituzzjonijiet pubbliċi tas-sigurtà, bl-għan li tiżdied l-effettività tal-infurzar tal-liġi u l-effikaċja tas-settur tal-ġustizzja, u b’hekk jiġġieled il-kriminalità organizzata,

L.

billi l-Messiku huwa, skont informazzjoni mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti, wieħed mill-iktar postijiet perikolużi fid-dinja għall-ġurnalisti, b’tal-inqas 53 ġurnalist li nqatlu mis-sena 2000 - 13 minnhom fis-sena 2009 biss - li ġew rrappurtati wkoll fir-rapporti tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Messiku,

M.

billi huwa ta' spiss li jkun hemm tagħbir u theddid kontra l-membri tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu fid-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u fuq livell statali u federali jkun hemm dewmien mhux ġustifikat f’ħafna mill-investigazzjonijiet preliminari dwar l-attakki u l-qtil tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

N.

billi saru ilmenti mill-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem marbuta mal-ksur ta' dawn id-drittijiet f’ċerta imġiba tal-forzi tas-sigurtà,

1.

Jaqbel mal-awtoritajiet Messikani dwar it-tħassib dwar iż-żieda tal-vjolenza, f’solidarjetà mal-poplu tal-Messiku fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;

2.

Jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu mal-qraba u l-ħbieb tal-vittmi, kif ukoll mal-poplu Messikan, u jħeġġiġhom jibqgħu jiġġieldu għad-difiża tas-sistema demokratika u l-istat tad-dritt;

3.

Jappoġġa lill-Gvern Messikan fir-rieda tiegħu li jiġġieled il-kriminalità organizzata tat-traffikar tad-drogi, filwaqt li jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda tal-vjolenza marbuta mat-traffikar tad-drogi u dwar in-nuqqas ta' rispett u s-sens ta' impunità tal-kartelli tad-drogi għal kwalunkwe tip ta' awtorità, partikolarment fl-istati Messikani qrib il-fruntiera mal-Istati Uniti;

4.

Jikkundanna kull tip ta' vjolenza, partikolarment il-vjolenza u t-theddid persistenti ta' qtil li huma soġġetti għalihom l-attivisti ddedikati għall-promozzjoni u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem fil-Messiku, u jitlob għat-tisħiħ tal-isforzi min-naħa tal-awtoritajiet Messikani biex jipprovdu protezzjoni legali u personali għal dawn il-gruppi; jitlob, barra minn hekk, lill-UE biex tapplika linji gwida dwar il-protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem b’mod effettiv;

5.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Messiku biex jibqgħu jaħdmu għat-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali, b’attenzjoni partikolari għan-nisa li huma vittmi iktar gravi tal-vjolenza; iqis li huwa xogħol il-gvern li jiġġieled il-“femiċidju”, billi jiżgura li dawk responsabbli u l-kompliċi tagħhom jitressqu quddiem il-ġustizzja, u jitlob għal azzjoni effetiva għall-prevenzjoni tal-kontinwazzjoni ta' reati bħal dawn;

6.

Jikkundanna, fl-istess kuntest, il-vjolenza u l-qtil ta' persuni li jaħdmu mal-midja, u jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa għall-identifikazzjoni, id-detenzjoni ta' dawk responsabbli minn dawn ir-reati kif ukoll biex dawn jitressqu quddiem il-ġustizzja; jilqa’ b’mod favorevoli l-adozzjoni mill-awtoritajiet leġiżlattivi Messikani tal-miżuri leġiżlattivi u istituzzjonali li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-libertà tal-espressjoni u s-sikurezza tal-ġurnalisti;

7.

Jirrakkomanda, f’dan il-ambitu, li l-Gvern tal-Messiku jkompli jaħdem għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, bl-għan li jiġu solvuti xi problemi strutturali li huma l-bażi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u b’mod konkret f’dak li hu marbut mar-riforma tas-sistema ġudizzjarja; jenfasizza, b’hekk, l-importanza ta' awtorità ġudizzjarja indipendenti li tiggarantixxi l-imparzjalità u l-ġlieda determinata kontra l-impunità;

8.

Jitlob lill-gvernijiet tal-Istati Membri, fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali tagħhom mal-Messiku, kif ukoll lill-istituzzjonijiet Ewropej, li jirduppjaw l-appoġġ tagħhom fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' programmi ta' kooperazzjoni u riżorsi finanzjarji u tekniċi; jitlob ukoll li jżidu r-riżorsi baġitarji tagħhom għall-kollaborazzjoni fil-kompitu tat-tisħiħ u r-riforma tal-organi ġudizzjarji, l-entitajiet tas-sigurtà u s-servizzi ta' prosekuzzjoni, bl-għan li jiġu prosekuti u kkastigati dawk responsabbli, kif ukoll għall-ħolqien ta' sistemi effikaċi għall-protezzjoni tax-xhieda, il-vittmi u l-familji tagħhom;

9.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-kooperazzjoni tal-gvern Messikan, fil-promozzjoni ta' forma effettiva ta' multilateraliżmu u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma u l-konsolidazzjoni tal-paċi u l-kapaċità tiegħu li jiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b’mod li jindirizza, skont il-liġi internazzjonali, it-theddid għall-paċi u s-sigurtà bħal ma huma t-traffikar tad-drogi u l-armi, il-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u t-traffikar tal-bnedmin, skont id-Dikjarazzjoni ta' Lima;

10.

Itenni li l-Isħubija Strateġika titqies bħala opportunità għad-diskussjoni dwar kif il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tista’ tkun iktar effettiva u kif tista’ tiġi valutata l-konformità ma' dik il-klawżola, inkluż il-progress rigward id-dimensjoni pożittiva tagħha, filwaqt li jitqies li d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija huma valuri fundamentali tal–ftehimiet kollha bejn iż-żewġ partijiet;

11.

Iqis li l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ tikkostitwixxi wieħed mill-elementi fundamentali li jiffaċilitawhom biex jagħrfu s-sistema demokratika; iqis li l-frustrazzjoni tagħhom hija waħda mill-kawżi li l-iktar tikkontribwixxi għall-vjolenza, u li għalhekk għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-UE fl-ambitu tal-koeżjoni soċjali; jitlob lill-awtoritajiet Messikani biex jużaw ir-riżorsi meħtieġa biex jgħinu liż-żgħażagħ biex isibu posthom fis-soċjetà, u biex jadottaw programmi ta' prevenzjoni, rijabilitazzjoni u riinserzjoni soċjali ta' persuni vvizzjati bid-droga;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Gvern tal-Messiku biex fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu (2007-2013) tal-Istrument għall-Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp jistabbilixxu bħala prijorità fis-settur ta' konċentrazzjoni 1 (“koeżjoni soċjali”) is-sigurtà u t-tisħiħ tal-governanza u tal-istituzzjonijiet;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OEA), lill-Assemblea Ewro-Latinoamerikana (EuroLat) u lill-President tal-Kungress tal-Istati Uniti tal-Messiku.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/95


Il-Ħamis 11 ta’ Marzu 2010
Korea t'Isfel: il-piena tal-mewt iddikjarata legali

P7_TA(2010)0068

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2010 dwar il-piena tal-mewt iddikjarata legali fil-Korea t'Isfel –

2010/C 349 E/20

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u l-ħtieġa ta' moratorju immedjat fuq l-eżekuzzjonijet f'dawk il-pajjiżi fejn il-piena tal-mewt għadha applikata,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 62/149 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 2007 li ssejjaħ għal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt (dwar ir-rapport tat-Tielet Kumitat (A/62/439/Add.2)),

wara li kkunsidra l-verżjoni aġġornata u riveduta tal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottata mill-Kunsill fis-3 ta' Ġunju 1998,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mir-4 Kungress Dinji kontra l-Piena tal-Mewt, li sar f'Ġinevra bejn l-24 u s-26 ta' Frar 2010, li ssejjaħ għall-abolizzjoni universali tal-piena tal-mewt,

wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata bil-qawwa għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt u qed taħdem biex tilħaq aċċettazzjoni universali ta' dan il-prinċipju,

B.

billi fil-25 ta' Frar 2010, il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Korea ddeċidet, b'maġġoranza ta' 5 kontra 4, li l-piena tal-mewt hija kostituzzjonali, u billi, madankollu, l-imħallfin saħqu wkoll li l-kwistjoni dwar jekk il-piena tal-mewt għandhiex tinżamm jew titħassar għandha tiġi dibattuta fl-Assemblea Nazzjonali, u mhux matul proċedimenti kostituzzjonali,

C.

billi l-Qorti Kostituzzjonali adottat id-deċiżjoni tagħha b'vot ta' 5 favur u 4 kontra, u billi d-deċiżjoni tal-1996 kienet adottata b'7 voti favur u 2 kontra,

D.

billi l-Qorti kostituzzjonali d-deċiżjoni tagħha ħaditha b'risposta għal petizzjoni mressqa minn raġel Korean ta' 72 sena li kien instab ħati li qatel erba' turisti fl-2007, li asserixxa li l-piena tal-mewt tikser il-garanzija kostituzzjonali tad-dinjità tiegħu,

E.

billi r-Repubblika tal-Korea għandha aktar minn 55 priġunier b'sentenzi tal-mewt ikkonfermati,

F.

billi l-aħħar eżekuzzjoni fir-Repubblika tal-Korea seħħet f'Diċembru 1997; billi, taħt il-Presidenza ta' Kim Dae-Jung, li dak iż-żmien kien qed jibda l-kariga tiegħu, u li huwa nnifsu kien ingħata sentenza tal-mewt fl-1980 qabel ma nħafritlu, il-piena tal-mewt ma baqgħetx tiġi applikata, u billi r-Repubblika tal-Korea, għall-aħħar 13-il sena, kienet tagħmel parti mill-grupp ta' pajjiżi li huma “abolizzjonisti fil-prattika”,

G.

billi fl-2006 l-Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ħarġet abbozz ta' liġi dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

H.

billi fit-18 ta' Diċembru 2007 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti approvat b'maġġornaza kbira riżoluzzjoni li titlob lill-pajjiżi li jipprattikaw il-piena tal-mewt biex “jistabbilixxu moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet bil-għan li jabolixxu l-piena tal-mewt”, li l-kontenut tagħha reġa' kien affermat f'riżoluzzjoni oħra adottata fit-18 ta' Diċembru 2008,

1.

Jirrikonoxxi li r-Repubblika tal-Korea ma wettqet l-ebda eżekuzzjoni mill-1998 'l hawn, u dan il-fatt jagħmilha pajjiż de facto abolizzjonista; u jilqa' t-titjib fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem hemhekk;

2.

Jiddeplora bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Korea li żżomm il-piena tal-mewt, imma jinnota li d-deċiżjoni ġiet adottata b'maġġoranza ċkejkna ħafna, mhux bħall-verdett ta' 7 kontra 2 fl-1996;

3.

Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-movimenti li qed jiġġieldu għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt fir-Repubblika tal-Korea;

4.

Jerġa' jtenni l-oppożizzjoni ġenerali tiegħu għall-piena tal-mewt, li hija kontra s-sistema moderna tal-ġustizzja kriminali u, kontra dak li spiss jitwemmen fost il-poplu, ma tbaxxix ir-rati tal-kriminalità;

5.

Iħeġġeġ lir-Repubblika tal-Korea biex tistwixxi moratorju legali fuq l-eżekuzzjonijiet kollha sakemm il-Parlament jadotta liġi li tabolixxi l-piena tal-mewt;

6.

Isejjaħ biex il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea jappoġġa r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, u biex fil-ħarifa li ġejja jiddeċiedi li jkun koproponent ta' riżoluzzjoni, jew li jivvota favuriha, li għandha tiġi ppreżentata lill-Assemblea Ġenerali;

7.

Jinnota b'sodisfazzjon li maġġoranza ċara tal-pajjiżi tad-dinja – li tirrappreżenta aktar minn żewġ terzi tal-komunità internazzjonali – issa abolixxew il-piena tal-mewt kompletament de jure jew inkella imponew moratorji de facto fuq l-eżekuzzjonijiet;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonaijiet Uniti, il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea u l-Kumitat Nazzjonali tal-Korea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (NHRCK).


III Atti preparatorji

Il-Parlament Ewropew

It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010

22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/97


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
Allokazzjoni ta' FISIM għad-determinazzjoni tad-DGN *

P7_TA(2010)0041

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-allokazzjoni tas-servizzi finanzjarji intermedjarji mkejla b'mod indirett (FISIM) għad-determinazzjoni tad-Dħul Gross Nazzjonali (DGN) użat għall-għanijiet tal-baġit tal-Unjoni Ewropea u r-riżorsi proprji (COM(2009)0238 – C7-0049/2009 – 2009/0068(CNS))

2010/C 349 E/21

(Proċedura leġislattiva speċjali – Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0238),

wara li kkunsidra l-Artikolu 2(7), it-tieni subparagrafu, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (1) u l-Artikolu 2(7), it-tieni subparagrafu, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (2),

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0022/2010),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

TEST PROPOST MILL-KUMMISSJONI

EMENDA

Emenda 1

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 2

Artikolu 2

L-allokazzjoni tas-servizzi finanzjarji intermedjarji mkejla b’mod indirett skont l-Artikolu 1 għandha tapplika minħabba d-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom mill-1 ta’ Jannar 2005 to sal-31 ta’ Diċembru 2006.

imħassar

Emenda 2

Proposta għal deċiżjoni

Artikolu 3

L-allokazzjoni tas-servizzi finanzjarji intermedjarji mkejla b’mod indirett skont l-Artikolu 1 għandha tapplika minħabba d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom mill- 1 ta’ Jannar 2007 .

L-allokazzjoni tas-servizzi finanzjarji intermedjarji mkejla b’mod indirett skont l-Artikolu 1 għandha tapplika minħabba d-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom mill- 1 ta’ Jannar 2010 .


(1)  ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.

(2)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/98


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Il-Ġermanja - sensji

P7_TA(2010)0042

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (COM(2010)0007 – C7-0011/2010 – 2010/0005(BUD))

2010/C 349 E/22

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0007 – C7-0011/2010),

wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (IIA tas-17 ta’ Mejju 2006), u b’mod partikulari l-punt 28 tagħha,

wara li kkunsidra ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (Regolament tal-FEG),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali (A7-0020/2010),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġislattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jbatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali maġġuri fir-ritmi tal-kummerċ dinji u biex tgħin l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u li tkun disponibbli b’mod effiċjenti u malajr kemm jista’ jkun, b’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li ġiet adottata matul il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni tas-17 ta’ Lulju 2008, u filwaqt li jiġi kkunsidrat kif xieraq il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEG,

C.

billi l-Ġermanja talbet assistenza fir-rigward tal-każijiet li jikkonċernaw is-sensji fl-industrija tal-manifattura tal-karozzi li ġraw f’impriża waħda - il-Grupp Karmann (3),

D.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibilità stabbiliti mir-Regolament tal-FEG,

1.

Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG;

2.

Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura bla xkiel u mgħaġġla għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, filwaqt li jingħata appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien bħala għajnuna lill-ħaddiema li sfaw issensjati bħala riżultat tal-globalizzazzjoni;

3.

Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-mezzi tagħha kollha biex tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija; jenfasizza l-irwol li l-FEG jista’ jkollha fl-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li sfaw issensjati;

4.

Jisħaq fuq il-fatt li, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg tal-ħaddiema individwali li tilfu xogħolhom; itenni li l-għajnuna mill-FEG ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u l-anqas ma għandha tieħu post miżuri għar-ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji jew setturi;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fi proposti għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, flimkien mar-rapporti annwali tagħha, tinkludi informazzjoni preċiża dwar il-fondi kumplimentari li rċieva mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u minn Fondi Strutturali oħra;

6.

Ifakkar lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex ma tittrasferix sistematikament approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mill-FSE, peress li l-FEG inħoloq bħala strument speċifiku għalih bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu;

7.

Jisħaq li t-tħaddim u l-valur miżjud tal-FEG għandhom ikunu evalwati fil-qafas tal-evalwazzjoni ġenerali tal-programmi u l-bosta strumenti oħra maħluqin mill-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006, fi ħdan il-proċess tar-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-baġit tal-qafas finanzjarju multiannwali 2007-2013;

8.

Jinnota li l-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jirreferu għal applikazzjoni minn Stat Membru wieħed biss, ħaġa li hi konformi mat-talbiet tal-Parlament Ewropew;

9.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)  EGF/2009/013 DE/Karmann.


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie mwaqqaf sabiex jipprovdi sostenn addizzjonali lil ħaddiema ssensjati li jbatu l-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

L-għan tal-FEG ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet mressqa mill-1 ta’ Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat dirett tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)

Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal- FEG taħt il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(4)

Il-Ġermanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal- FEG, fir-rigward ta’ sensji fis-settur tal-karrozzi, fit-13 ta’ Awwissu 2009 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sat-23 ta’ Ottubru 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta’ EUR 6 199 341.

(5)

Il- FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Ġermanja.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 6 199 341 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/101


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Il-Litwanja - sensji

P7_TA(2010)0043

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (COM(2010)0008 – C7-0012/2010 – 2010/0003(BUD))

2010/C 349 E/23

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0008 – C7-0012/2010),

wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1) (IIA tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (ir-Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0021/2010),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġislattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jbatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji u biex tgħin l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u li tkun disponibbli b'mod effiċjenti u malajr kemm jista' jkun, b'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li ġiet adottata matul il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u filwaqt li jiġi kkunsidrat kif xieraq il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEG,

C.

billi l-Litwanja talbet assistenza fir-rigward tal-każijiet li jikkonċernaw is-sensji fl-industrija tal-manifattura tal-friġġijiet li ġraw f’impriża waħda - “Snaigė” plc - u fi tnejn mill-fornituri tagħha (3),

D.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il- FEG,

1.

Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG;

2.

Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura bla xkiel u mgħaġġla għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, filwaqt li jingħata appoġġ individwali ta' darba u limitat fiż-żmien bħala għajnuna lill-ħaddiema li sfaw issensjati bħala riżultat tal-globalizzazzjoni;

3.

Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-mezzi tagħha kollha biex tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija; jenfasizza r-rwol li l-FEG jista' jkollha fl-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li sfaw issensjati;

4.

Jisħaq fuq il-fatt li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jkun żgurat li l- FEG jappoġġja l-integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg tal-ħaddiema individwali li tilfu xogħolhom; itenni li l-għajnuna mill-FEG ma għandhiex tieħu post l-azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas ma għandha tieħu post il-miżuri għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fi proposti għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, kif ukoll fir-rapporti annwali tagħha, tinkludi informazzjoni preċiża dwar il-fondi kumplimentari li jingħataw mill-Fond Soċjali Ewropew u minn Fondi Strutturali oħra;

6.

Ifakkar lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex ma tittrasferix sistematikament approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mill-Fond Soċjali Ewropew, peress li l-FEG nħoloq bħala strument speċifiku għalih bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu;

7.

Jikkunsidra li l-funzjonament u l-finanzjament tal-FEG għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u l-istrumenti l-oħra maħluqa mill-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 fi ħdan il-proċess tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2007-2013;

8.

Jinnota li l-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG jirreferu għal applikazzjoni minn Stat Membru wieħed biss, ħaġa li hi konformi mat-talbiet tal-Parlament Ewropew;

9.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)  EGF/2009/010 LT/Snaigė


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf sabiex jipprovdi sostenn addizzjonali lil ħaddiema ssensjati li jbatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

L-għan tal-FEG ġie estiż għall-applikazzjonijiet preżentati mill-1 ta' Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jingħataw is-senja bħala riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)

Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)

Il-Litwanja preżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji fi “Snaigė” plc u tnejn mill-fornituri tagħha, fit-23 ta' Lulju 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontributi finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 258 163.

(5)

Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribut finanzjarju għall-applikazzjoni ppreżentata mil-Litwanja.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEAG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 258 163 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/104


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: Il-Litwanja - Kostruzzjoni ta’ bini

P7_TA(2010)0044

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (COM(2010)0009 – C7-0013/2010 – 2010/0002(BUD))

2010/C 349 E/24

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2010)0009 – C7 0013/2010),

wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b’mod partikulari l-punt 28 tagħha,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2) (ir-Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7 0019/2010),

A.

billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġislattivi u baġitarji xierqa biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jbatu mill-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali maġġuri fir-ritmi tal-kummerċ dinji u biex tgħin l-integrazzjoni tagħhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol,

B.

billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun waħda dinamika u li tkun disponibbli b’mod effiċjenti u malajr kemm jista’ jkun, b’konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni li ġiet adottata matul il-laqgħa ta’ konċiljazzjoni tas-17 ta’ Lulju 2008, u filwaqt li jiġi kkunsidrat kif xieraq il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fir-rigward tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet biex jiġi mmobilizzat il-FEG,

C.

billi l-Litwanja talbet l-assistenza mill-FEG fir-rigward ta’ każijiet li jikkonċernaw ħaddiema mogħtija s-sensja f’128 intrapriża li qed topera fis-settur tal-kostruzzjoni (3),

D.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta’ eliġibilità stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.

Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG;

2.

Ifakkar fl-impenn tal-istituzzjonijiet li jiżguraw proċedura bla xkiel u mgħaġġla għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG, filwaqt li jingħata appoġġ individwali ta’ darba u limitat fiż-żmien bħala għajnuna lill-ħaddiema li sfaw bla xogħol bħala riżultat tal-globalizzazzjoni;

3.

Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-mezzi tagħha kollha biex tiffaċċja l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija; jenfasizza r-rwol li jista’ jkollu l-FEG fl-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol;

4.

Jisħaq fuq il-fatt li, b’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament FEG, għandu jkun żgurat li l-FEG jkun jagħti appoġġ lill-ħaddiema ssensjati individwali biex jiġu integrati mill-ġdid fl-impjieg; itenni li l-għajnuna mill-FEG ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabilità tal-kumpaniji bħala riżultat tal-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u l-anqas ma għandha tieħu post miżuri għar-ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji jew setturi;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, fi proposti għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, kif ukoll fir-rapporti annwali tagħha, tinkludi informazzjoni preċiża dwar il-fondi kumplementari li jkunu ngħataw mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u minn Fondi Strutturali oħra;

6.

Ifakkar lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-mobilizzazzjoni tal-FEG, biex ma tittrasferixxix sistematikament approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet mill-Fond Soċjali Ewropew, peress li l-FEG nħoloq bħala strument speċifiku għalih bl-objettivi u l-iskadenzi tiegħu;

7.

Jikkunsidra li l-funzjonament u l-finanzjament tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom ikunu evalwati fil-kuntest tal-valutazzjoni ġenerali tal-programmi u l-istrumenti l-oħra maħluqa mill-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 fi ħdan il-proċess tar-reviżjoni ta’ nofs il-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2007-2013;

8.

Jinnota li l-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jirreferu għall-applikazzjoni minn Stat Membru wieħed biss, ħaġa li hi konformi mat-talbiet tal-Parlament Ewropew;

9.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(3)  EGF/2009/017 LT/Kostruzzjoni ta’ bini.


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidraw il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (1), u b'mod partikulari l-punt 28 tagħha,

wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie mwaqqaf sabiex jipprovdi sostenn addizzjonali lil ħaddiema ssensjati li jbatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)

L-ambitu tal-FEG ġie mwessa’ għall-applikazzjonijiet ippreżentati mill-1 ta' Mejju 2009 biex jinkludi sostenn lill-ħaddiema li jingħataw is-sensja bħala riżultat tal-kriżi globali finanzjarja u ekonomika.

(3)

Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-EGF taħt il-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(4)

Il-Litwanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-EGF, fir-rigward ta' sensji fl-industrija tal-kostruzzjoni tal-bini, fit-23 ta' Settembru 2009. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, għalhekk il-Kummissjoni tipproponi li tuża l-ammont ta' EUR 1 118 893.

(5)

Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mil-Litwanja.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fil-qafas tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2010, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 118 893 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/107


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku ***

P7_TA(2010)0045

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien mit-Tniġġis tax-Xtut u l-Ibħra fil-Grigal tal-Atlantiku (COM(2009)0436 – C7-0163/2009 – 2009/0120(NLE))

2010/C 349 E/25

(Proċedura ta' approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2009)0436),

wara li kkunsidra l-Artikoli 175(1) u 300(2), l-ewwel subparagrafu, kif ukoll l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0163/2009),

wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet interistituzzjonali li jinsabu għadejjin” (COM(2009)0665),

wara li kkunsidra l-Artikoli 196(2) u 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0009/2010),

1.

Japprova l-konklużjoni tal-Protokoll Addizzjonali;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/107


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
Ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets ***I

P7_TA(2010)0048

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2010 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 998/2003 dwar il-ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets (COM(2009)0268 – C7-0035/2009 – 2009/0077(COD))

2010/C 349 E/26

(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0268),

wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikoli 37 u 152(4)(b) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ressqet il-proposta lill-Parlament (C7-0035/2009),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta' teħid ta' deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

wara li kkunsidra l-Artkolu 294(3) u l-Artikoli 43(2) u 168(4)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2009 (1),

wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0082/2009),

1.

Jaddotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari kif tinsab hawn taħt;

2.

Japprova l-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u jiġbed l-attenzjoni għall-istqarrijiet tal-Kummissjoni annessi hawnhekk, li għandhom jiġu ppublikat mal-Ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien ma' l-att leġislattiv finali;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 318, 23.12.2009, p.121.


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
P7_TC1-COD(2009)0077

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta' Marzu 2010 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Erwopew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 998/2003 dwar il-ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 438/2010.)


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
ANNESS

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipproponi reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 kollu kemm hu qabel it- 30 ta' Ġunju 2011 u, b'mod partikolari, tal-aspetti tal-atti ddelegati u implimentattivi.

Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu bla ħsara għal kwalunkwe pożizzjoni futura tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE jew ta' atti leġiżlattivi individwali li jkun fihom dispożizzjonijiet bħal dawn.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni rigward in-notifika ta' atti ddelegati

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu nota li, ħlief f'każijiet fejn l-att leġiżlattiv jipprovdi proċedura ta' urġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iqisu li n-notifika ta' atti ddelegati għandha tqis il-perjodi ta' waqfien temporanju mix-xogħol tal-istituzzjonijiet (Xitwa, Sajf u elezzjonijiet Ewropej), biex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom qabel l-iskadenzi stipulati fl-atti leġiżlattivi rilevanti, u hija lesta li taġixxi b'dan il-mod.


22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/109


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
Moviment tal-persuni li jkollhom viża għal żjara fit-tul **I

P7_TA(2010)0049

Riżoluzzjoni leġislattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 2010 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-moviment tal-persuni li jkollhom viża għal żjara fit-tul (COM(2009)0091 – C6-0076/2009 – 2009/0028(COD))

2010/C 349 E/27

(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0091),

wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 62(2)(a) u (3) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0076/2009),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0090),

wara li kkunsidra l-Artikolu 67 u l-Artikolu 63, l-ewwel paragrafu, punt (3)(a) tat-Trattat KE, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill fir-rigward ta’ dik il-proposta (C6-0107/2009),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3), l-Artikolu 77(2)(b) u (c) u l-Artikolu 79(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi legali proposta,

wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill fl-ittra tal-24 ta’ Frar 2010 biex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 u 37 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0015/2010),

1.

Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari kif imniżżel hawn taħt;

2.

Iqis li l-proċedura numru 2009/0025 (COD) skadiet bħala riżultat tal-inkorporazzjoni fil-proċedura numru 2009/0028 (COD) tal-kontenut tal-proposta tal-Kummissjoni (COM(2009)0090) u tal-abbozzi ta’ rapporti relatati magħha;

3.

Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u tal-Kunsill annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni,

4.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b’mod sustanzjali jew li tibdilha b’test ġdid;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
P7_TC1-COD(2009)0028

Posizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-9 ta' Marzu 2010 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolament (KE) Nru 562/2006 fir-rigward tal-moviment tal-persuni li jkollhom viża għal soġġorn fit-tul

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 265/2010.)


It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2010
ANNESS

DIKJARAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jirrikonoxxu l-importanza tal-eżistenza ta’ ġabra komprensiva u koerenti ta’ regoli, fil-livell tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedu livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data personali fil-qafas tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II).

F'każ ta’ aktar dewmien importanti fl-implimentazzjoni ta’ SIS II, li jaqbeż l-2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposti leġiżlattivi meħtieġa li jemendaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen bil-għan li jiġi garantit livell ta’ protezzjoni tad-data personali mdaħħla fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen ekwivalenti għall-istandards stabbiliti għas-SIS II.


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010

22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 349/111


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
Il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji fir-rigward ta’ mikroentitajiet ***I

P7_TA(2010)0052

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji fir-rigward ta’ mikroentitajiet (COM(2009)0083 – C6-0074/2009 – 2009/0035(COD))

2010/C 349 E/28

(Proċedura leġislattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2009)0083),

wara li kkunsidra l-Artikoli 251(2) u 44(1) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0074/2009),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona dwar il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għaddejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

wara li kkunsidra l-Artikoli 294(3) u 50(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-15 ta’ Lulju 2009 (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0011/2010),

1.

Jaddotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari kif tinsab hawn taħt;

2.

Jitlob li ssir reviżjoni ġenerali tar-Raba’ u s-Seba’ Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji fl-2010;

3.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b’mod sustanzjali jew li tibdilha b’test ġdid;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti nazzjonali.


(1)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 67.


L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2010
P7_TC1-COD(2009)0035

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata tal-ewwel qari tal-10 ta' Marzu 2010 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2010/…/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji fir-rigward ta' mikroentitajiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007 fil-konklużjonijiet tiegħu saħaq li t-tnaqqis tal-piż amministrattiv huwa importanti għat-tqawwija tal-ekonomija Ewropea u li jinħtieġ sforz konġunt f'saħħtu biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fi ħdan l-UE.

(2)

Il-kontabbiltà ġiet identifikata bħala wieħed mill-oqsma ewlenin għat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji fi ħdan l-Unjoni.

(3)

Il-Komunikazzjoni tagħha dwar ambjent ta' negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabbiltà u l-verifika il-Kummissjoni identifikat emendi possibbli għar-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji (3), inkluż fakultà għall-Istati Membri biex jeżentaw il-mikroentitajiet mill-obbligu li jfasslu l-kontijiet annwali skont dik id-Direttiva.

(4)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (4) tiddefenixxi mikroimpriżi, impriżi żgħar u ta' daqs medju. Madankollu, il-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri wrew li l-limiti massimi għall-mikroimpriżi f'dik ir-Rakkomandazzjoni jistgħu jkunu wisq għolja għall-finijiet tal-kontabbiltà. Għalhekk, sottogrupp ta' mikroimpriżi, hekk imsejħa mikroentitajiet, għandu jiġi introdott biex ikopri kumpaniji b'total tal-karta tal-bilanċ u fatturat nett aktar baxx mil-limiti stipulati għall-mikroimpriżi.

(5)

Il-mikroentitajiet bosta drabi joperaw f'negozju fil-livell lokali jew reġjonali bi ftit, jew xejn, attività transkonfinali u għandhom riżorsi limitati biex jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji impenjattivi. Barra minn hekk, il-mikroentitajiet huma importanti għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, it-trawwim tar-riċerka u l-iżvilupp u l-ħolqien ta' attivitajiet ekonomiċi ġodda.

(6)

Il-mikroentitajiet madankollu spiss ikunu soġġetti għall-istess regoli tar-rappurtar bħall-kumpaniji akbar. Dawk ir-regoli kienu ta' piż għalihom li ma hux proporzjonat mad-daqs tagħhom u għalhekk huwa sproporzjonat għall-iżgħar impriżi meta mqabbla mal-impriżi akbar. Għalhekk għandu jkun possibli li jiġu eżentati l-mikroentitajiet mill-obbligu li jfasslu l-kontijiet annwali, anki jekk tali kontijiet jipprovdu sors ta' informazzjoni statistika. Madankollu, il-mikroentitajiet xorta jridu jkunu soġġetti għall-obbligu li jżommu reġistri li juru t-tranżazzjonijiet kummerċjali u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija bħala standard minimu li l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jżidu obbligi oħra miegħu .

(7)

Il-Grupp ta' Livell Għoli ta' Partijiet Konċernati Indipendenti dwar il-Piżijiet Amministrattivi fl-opinjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2008 appella għal-leġiżlar rapidu tal-fakultà għall-Istati Membri sabiex jeżentaw il-mikroentitajiet mill-obbligu li jfasslu l-kontijiet annwali skont id-Direttiva 78/660/KEE.

(8)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar ir-rekwiżiti tal-kontabbiltà fir-rigward tal-kumpaniji ż-żgħar u ta' daqs medju (5), partikolarment il-mikroentitajiet, il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta leġiżlattiva li tagħti l-fakultà lill-Istati Membri biex jeżentaw lill-mikroentitajiet mill-ambitu tad-Direttiva 78/660/KEE.

(9)

Peress li l-valuri minimi stipulati f’din id-Direttiva se japplikaw għal numru ta' impriżi li se jvarja ħafna bejn Stat Membru u ieħor, u billi l-attivitajiet tal-mikroentitajiet ma jħallux impatt fuq il-kummerċ transkonfinali u fuq it-tħaddim tas-suq intern, l-Istati Membri għandhom iqisu din id-differenza fl-impatt ta' dawn il-valuri meta jimplimentaw din id-Direttiva fil-livell nazzjonali .

(10)

Filwaqt li huwa importanti ħafna li tiġi żgurata t-trasparenza għall-mikroentitajiet ukoll, sabiex ikun żgurat li jkunu miftuħa u li jkollhom aċċess għas-swieq finanzjarji, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kundizzjonijiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq tagħhom meta jkunu qed jimplimentaw id-Direttiva 78/660/KEE .

(11)

Billi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-mirkoentitajiet, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(12)

Għalhekk, id-Direttiva 78/660/KEE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda għad-Direttiva 78/660/KEE

Fid-Direttiva 78/660/KEE jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

Artikolu 1a

1.    Filwaqt li jżommu l-obbligu li jinżammu reġistri li juru t-tranżazzjonijiet kummerċjali u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija, L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eżenzjoni mill-obbligi skont din id-Direttiva għall-kumpaniji li fid-dati tal-karta tal-bilanċ tagħhom ma jkunux jeċċedu l-limiti ta' tnejn mit-tliet kriterji li ġejiin:

(a)

total tal-karta tal-bilanċ: EUR 500 000;

(b)

fatturat nett: EUR 1 000 000;

(c)

l-għadd medju ta' impjegati matul is-sena finanzjarja: 10.

2.   Fejn fid-data tal-karta tal-bilanċ tagħha, kumpanija taqbeż il-limiti ta' tnejn mit-tliet kriterji stipulati fil-paragrafu 1 f'sentejn finanzjarji konsekuttivi dik il-kumpanija ma tkunx tista' tgawdi aktar mill-eżenzjoni msemmija f'dak il-paragrafu.

Fejn fid-data tal-karta tal-bilanċ tagħha, kumpanija ma tibqax taqbeż il-limiti ta' tnejn mit-tliet kriterji stipulati fil-paragrafu 1, tkun tista' tgawdi mill-eżenzjoni msemmija f'dak il-paragrafu sakemm ma tkunx qabżet dawk il-limiti għal sentejn konsekuttivi.

3.   Fil-każ ta' dawk l-Istati Membri li ma adottawx l-euro, l-ammont li fil-munita nazzjonali ekwivalenti għall-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat billi tintuża r-rata tal-kambju ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dakinhar tad-dħul fis-seħħ ta' kwalunkwe Direttiva li tistabbilixxi dawk l-ammonti.

4.   It-total tal-karta tal-bilanċi msemmi fil-paragrafu 1(a) għandu jikkonsisti jew fl-attivi msemmija fil-punti A sa E taħt ‘Assi’ fl-Artikolu 9 jew l-attivi msemmija fil-punti A sa E fl-Artikolu 10.”

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva fejn u meta jiddeċiedu li jagħmlu użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 1a tad-Direttiva 78/660/KEE , filwaqt li jqisu b’mod partikulari l-qagħda fil-livell nazzjonali fir-rigward tan-numru ta' impriżi koperti mill-valuri minimi stipulati f'dak l-Artikolu . Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta' korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Id-destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 67.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2010.

(3)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

(4)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(5)  ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 58.