ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.CE2010.348.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 348E

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
21 ta' Diċembru 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

RIŻOLUZZJONIJIET

 

Il-Parlament Ewropew
SESSJONI 2009-2010
Seduti tal-25 ta' Frar 2010
Il-Minuti ta' din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 111 E, 30.4.2010.
TESTI ADOTTATI

 

Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010

2010/C 348E/01

Is-sitwazzjoni fl-Ukraina
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2010 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

1

2010/C 348E/02

Il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (Ġinevra, 1-26 ta' Marzu 2010)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2010 dwar it-13-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti

6

2010/C 348E/03

Pekin + 15 – Pjattaforma ta' Azzjoni tan-NU għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2010 dwar Pekin + 15 – Pjattaforma ta' Azzjoni tan-NU għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

11

2010/C 348E/04

Green Paper dwar ir-riforma tal-politika komuni tas-sajd
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2010 dwar il-Green Paper dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (2009/2106(INI))

15

2010/C 348E/05

It-trasportazzjoni taż-żwiemel għall-qtil fl-Unjoni Ewropea
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Frar 2010 dwar it-trasportazzjoni taż-żwiemel għall-qtil fl-Unjoni Ewropea

37

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Parlament Ewropew

 

Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010

2010/C 348E/06

Proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Frar 2010 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (COM(2009)0361 – C7-0125/2009 – 2009/0106(COD))

38

P7_TC1-COD(2009)0106Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-25 ta' Frar 2010 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96

39

ANNESS

47

2010/C 348E/07

L-emendar tal-Estimi tal-Parlament għall-baġit 2010
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2010 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq għall-Baġit ta' Emenda 1/2010 (Taqsima I, Il-Parlament Ewropew) (2010/2014(BUD))

50

Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

**I

Proċedura ta' konsultazzjoni: l-ewwel qari

**II

Proċedura ta' konsultazzjoni: it-tieni qari

***

Proċedura ta' parir konformi

***I

Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari

***II

Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari

***III

Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura tiddependi mill-bażi legali proposta mill-Kummissjoni)

Emendi politiċi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u qawwija; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▐.

Korrezzjonijiet u adattamenti tekniċi tas-servizzi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva rqiqa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ║.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

RIŻOLUZZJONIJIET

Il-Parlament Ewropew SESSJONI 2009-2010 Seduti tal-25 ta' Frar 2010 Il-Minuti ta' din is-sessjoni ġew ippubblikati fil-ĠU C 111 E, 30.4.2010. TESTI ADOTTATI

Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010

21.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 348/1


Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010
Is-sitwazzjoni fl-Ukraina

P7_TA(2010)0035

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2010 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina

2010/C 348 E/01

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukraina,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sħubija tal-Lvant imnedija fi Praga fis-7 ta' Mejju 2009,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Parlamentari UE-Ukraina, li ltaqa' fis-26 u s-27 ta' Ottubru 2009,

wara li kkunsidra s-sħubija tal-Ukraina fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, minn Marzu 2008,

wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Ukraina għat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, approvat mill-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija f'Żagreb f'Diċembru 2009,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u n-negozjati li għadhom għaddejjin dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (FA) maħsub biex jieħu post il-FSK,

wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina, li tissostitwixxi l-Pjan ta' Azzjoni u li ġiet approvata mill-Kunsill ta' Kooperazzjoni UE-Ukraina f'Ġunju 2009,

wara li kkunsidra l-ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi, iffirmat fit-18 ta' Ġunju 2007, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008, u d-djalogu dwar il-viżi bejn l-UE u l-Ukraina mniedi f'Ottubru 2008,

wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim għall-istabbiliment ta' djalogu dwar il-politika reġjonali u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni reġjonali bejn il-Ministeru tal-Iżvilupp Reġjonali u l-Kostruzzjoni tal-Ukraina u l-Kummissjoni Ewropea, iffirmat fit-22 ta' Lulju 2009,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ENPI) (1),

wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim dwar kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, iffirmat fl-1 ta' Diċembru 2005,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata mill-Konferenza Konġunta UE-Ukraina dwar l-Investiment Internazzjonali dwar il-Modernizzazzjoni tas-Sistema ta' Tranżitu tal-Gass, li saret fit-23 ta' Marzu 2009,

wara li kkunsidra l-ftehim bejn Naftogaz u Gazprom dwar il-miżati għat-tranżitu tal-provvisti taż-żejt għall-2010, li kien hemm qbil dwarhom f'Diċembru 2009,

wara li kkunsidra r-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali tal-Ukraina, li l-ewwel rawnd tagħhom sar fis-17 ta' Jannar u t-tieni rawnd fis-7 ta' Frar 2010,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Missjoni ta' Osservazzjoni OSKE/ODHIR dwar l-elezzjonijiet presidenzjali tas-17 ta' Jannar u tas-7 ta' Frar 2010, li kkonkludiet li l-parti l-kbira tal-istandards internazzjonali ntlaħqu,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, dwar l-elezzjonijiet presidenzjali Ukraini fit-8 ta' Frar 2010,

wara li kkunsidra l-bidliet tal-aħħar minuta fil-liġi elettorali tal-Ukraina adottati mill-Verkhovna Rada fit-3 ta' Frar 2010, qabel it-tieni rawnd tal-elezzjonijiet presidenzjali,

wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2011-2013 għall-Ukraina,

wara li kkunsidra r-riżultati tas-Samits riċenti UE-Ukraina, inkluż ir-rikonoxximent mis-samit UE-Ukraina f'Pariġi fl-2008 tal-Ukraina bħala pajjiż Ewropew li għandu storja komuni u valuri komuni mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, u l-konklużjonijiet tas-Samit UE-Ukraina li sar f'Kiev fl-4 ta' Diċembru 2009,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Ukraina hija ġara ta' importanza strateġika għall-UE; billi d-daqs, ir-riżorsi u l-popolazzjoni tagħha u l-post fejn tinsab ġeografikament jagħtu lill-Ukraina pożizzjoni distinta fl-Ewropa u jagħmluha parteċipant reġjonali ewlieni;

B.

billi l-Ukraina hija stat Ewropew u, skont l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tista' tapplika għal sħubija mal-UE bħal kull stat Ewropew ieħor li jaderixxi mal-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt,

C.

billi l-konklużjonijiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali OSKE/ODHIR jiddeskrivu l-elezzjonijiet bħala konformi mal-istandards internazzjonali, fil-parti l-kbira tagħhom,

D.

billi l-fatt li l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fis-17 ta' Jannar u fis-7 ta' Frar 2010 saru bla xkiel filwaqt li ġew irrispettati d-drittijiet ċivili u politiċi, inkluża l-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, juri li l-Ukraina għandha l-kapaċità li jkollha elezzjonijiet ħielsa u ġusti,

E.

billi għalkemm l-organizzazzjonijiet mhux governattivi ma tħallewx uffiċjalment josservaw l-elezzjonijiet, il-preżenza ta' osservaturi domestiċi u internazzjonali żiedet b'mod sinifikanti t-trasparenza matul il-proċess elettorali u l-jum ta' votazzjoni,

F.

billi, fis-17 ta' Frar 2010, wara appell mill-Prim Ministru Tymonshenko, il-Qorti Għolja Amministrattiva Ukraina ssospendiet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali li tistabbilixxi r-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali u tirrikonoxxi lil Victor Yanukovich bħala President tal-Ukraina, u billi l-Prim Ministru rtirat l-appell tagħha fl-20 ta' Frar 2010 filwaqt li allegat li l-qorti ma kinitx lesta tagħmel ġustizzja magħha,

G.

billi l-atmosfera tal-kampanja elettorali tat-tieni rawnd kienet affettwata b'mod negattiv minn akkużi reċiproċi ta' frodi u emendi fl-aħħar minuta għal-liġi elettorali,

H.

billi għandu jitfakkar li l-Ukraina hija pajjiż li esperjenza l-ħakma Sovjetika u li mexa 'l quddiem sew biex jegħleb il-wirt negattiv li din ħalliet warajha,

I.

billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-politika barranija tal-Parlament hu t-tisħiħ u t-trawwim tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li għandha l-għan li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kulturali tal-pajjiżi kkonċernati mal-UE u mal-Istati Membri tagħha,

J.

billi s-Sħubija tal-Lvant qiegħda tissawwar; billi l-Parlament jistenna li l-awtoritajiet Ukraini l-ġodda jaħdmu biex jilħqu l-objettivi tagħha; billi s-Sħubija tal-Lvant tista' tkun ta' suċċess u tikkontribwixxi għall-iżvilupp paċifiku, l-istabilità u l-prosperità tal-pajjiżi ġirien kollha tal-Lvant, inkluża l-Ukraina, dejjem jekk tkun ibbażata fuq proġetti prattiċi u kredibbli u tkun iffinanzjata b'mod suffiċjenti,

K.

billi l-UE tippreferi Ukraina stabbli u demokratika li tirrispetta l-prinċipji tal-ekonomija tas-suq soċjali, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tal-minoranzi u li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali; billi l-istabilità politika domestika u l-attenzjoni għar-riforma interna tal-Ukraina huma prerekwiżiti għall-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukraina,

L.

billi, mir-rivoluzzjoni Oranġjo 'l hawn, l-Ukraina sfortunatament tilfet aktar minn ħames snin biex tindirizza kif suppost id-defiċits kostituzzjonali u istituzzjonali kbar tagħha, speċjalment biex issolvi l-kunflitti dwar il-kompetenzi bejn il-President u l-Prim Ministru; billi, konsegwenza ta' dan, proġetti ta' riformi importanti fis-setturi pubbliċi, ekonomiċi u soċjali jew raw dewmien, jew ġew implimentati b'mod inkonsistenti jew tlestewx,

M.

billi, irrispettivament mir-riżultati tal-elezzjonijiet presidenzjali, l-Ukraina trid issa tibda timplimenta r-riformi kostituzzjonali sabiex tistabbilixxi sistema vijabbli u effiċjenti ta' kontrolli u bilanċi biex tiddefinixxi distribuzzjoni ċara ta' kompetenzi bejn il-President, il-Kabinett tal-Ministri u l-Verkhovna Rada,

N.

billi r-relazzjonijiet UE-Ukraina b'mod ġenerali għamlu progress sostanzjali f'dawn l-aħħar snin, u b'mod partikolari fl-oqsma tal-politika barranija u tas-sigurtà u fi kwistjonijiet kummerċjali, finanzjarji u ekonomiċi; billi ma sarx biżżejjed progress fl-oqsma tal-enerġija u l-ambjent,

O.

billi l-adeżjoni tal-Ukraina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) timmarka pass importanti fl-aċċettazzjoni tagħha tal-istandards ekonomiċi internazzjonali u Ewropej u ta' rabtiet tal-kummerċ imsaħħa mal-UE, li jħaffu r-ritmu tan-negozjati dwar l-istabbiliment ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Estensiva u Komprensiva bħala parti integrali mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni,

P.

billi l-adeżjoni tal-Ukraina għat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija hija ta' importanza kbira għall-partijiet kollha,

Q.

billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina għandu jservi bħala strument fil-proċess ta' riforma u jagħti rwol aktar b'saħħtu lis-soċjetà ċivili,

1.

Jilqa' l-fatt li r-rapport tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali dwar l-elezzjonijiet presidenzjali Ukraini jgħid li sar progress sinifikanti meta mqabbel ma' elezzjonijiet preċedenti, b'din l-elezzjoni tilħaq il-parti l-kbira tal-istandards tal-OSKE u tal-UE dwar elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

2.

Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali OSKE/ODHIR dwar ir-rispett tad-drittijiet ċivili u politiċi, inkluża l-libertà tal-għaqda, tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni f'ambjent tal-midja pluralistiku;

3.

Jilqa' n-numru relattivament għoli ta' persuni li ħarġu jivvutaw, li juri l-involviment attiv taċ-ċittadini Ukraini biex jiddeċiedu t-triq li għandu jieħu pajjiżhom; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li f'din l-elezzjoni kien hemm varjetà ta' kandidati li jirrappreżentaw opinjonijiet politiċi alternattivi, u li offrew għażla ġenwina lill-elettorat;

4.

Jiddispjaċih li r-regoli elettorali għadhom qed jibqgħu jiġu diskussi u jirrimarka li l-liġi elettorali attwali, kif emendata f'Awissu 2009, titqies mill-OSKE/ODHIR bħala pass lura meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni preċedenti, u li dan iwassal għal qafas legali li la hu ċar u lanqas komplut; jiddispjaċih dwar l-adozzjoni mill-Verkhovna Rada tal-emendi kontroversjali ħafna għal-liġi elettorali presidenzjali proposti mill-Partit tar-Reġjuni ftit jiem biss qabel it-tieni rawnd; għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ukraini biex jirrevedu u jlestu l-leġiżlazzjoni elettorali tal-pajjiż; jinkoraġġixxi aktar trasparenza fil-finanzjament tal-kandidati u l-partiti politiċi u jitlob li jkun hemm finanzjament aktar trasparenti tal-kampanji matul il-perjodi ta' qabel l-elezzjonijiet;

5.

Isejjaħ lill-awtoritajiet Ukraini, filwaqt li jagħraf li l-Ukraina rratifikat il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Karta Ewropea għall-Ilsna Reġjonali jew ta' Minoranzi, biex jagħmlu sforzi akbar biex jilħqu lill-komunitajiet ta' minoranzi billi jintegraw dawk il-komunitajiet fl-iżviluppi politiċi tal-pajjiż u jħeġġu b'mod adegwat id-dritt għall-edukazzjoni fl-ilsna tal-minoranzi;

6.

Jirrikonoxxi li l-Ukraina, bħala pajjiż Ewropew, għandha storja komuni u valuri komuni għal dawk tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u jirrikonoxxi l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina;

7.

Jistenna li l-politiċi u l-awtoritajiet Ukraini jirrikonoxxu l-ħtieġa tal-istabilizzazzjoni politika u ekonomika u li jaħdmu għaliha, l-iktar permezz tar-riformi kostituzzjonali, il-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt, it-twaqqif ta' ekonomija tas-suq soċjali u sforzi mġedda biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u biex tittejjeb il-klima tan-negozju u tal-investiment;

8.

Jisħaq fuq l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Ukraina u l-UE fil-qasam tal-enerġija u jitlob li jkun hemm iktar ftehimiet bejn l-UE u l-Ukraina bl-għan li jiżguraw il-provvisti tal-enerġija għaż-żewġ naħat, u jinkludu sistema affidabbli ta' tranżitu taż-żejt u l-gass;

9.

Jistieden lill-Ukraina biex timplimenta u tirratifika b'mod sħiħ l-adeżjoni tagħha għat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija u biex b'ħeffa tadotta liġi ġdida dwar il-gass li tkun konformi mad-Direttiva 2003/55/KE tal-UE;

10.

Jenfasizza l-fatt li, għalkemm sar progress, il-ftehim għall-faċilitazzjoni tal-viżi eżistenti għandu jerġa' jiġi eżaminat billi wieħed iżomm f'moħħu l-objettivi fuq perjodu ta' żmien twil, u jistieden lill-Kunsill biex jinkariga lill-Kummissjoni biex tirrevedi dan il-ftehim mal-awtoritajiet Ukraini sabiex jinħadem pjan direzzjonali għal vjaġġar ħieles mill-viżi għall-Ukraina;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem mal-Istati Membri u mal-Ukraina biex jitħejjew miżuri speċjali sabiex jiġu introdotti fir-rigward tal-Kampjonat tal-Futbol Ewropew 2012, bil-għan li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar għad-detenturi tal-biljetti;

12.

Jilqa' l-appoġġ attiv tal-Ukraina għas-Sħubija tal-Lvant u l-Assemblea Parlamentari Euronest u l-impenn tagħha li tikkonsolida l-isforzi tagħha biex jiġi żgurat li jkun hemm aktar demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll ekonomija tas-suq soċjali, żvilupp sostenibbli u governanza tajba;

13.

Jappoġġja l-inizjattivi ewlenin tas-Sħubija tal-Lvant, l-iktar dwar il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, l-enerġija, Żona ta' Kummerċ Ħieles u l-bini komprensiv tal-istituzzjonijiet;

14.

Jistenna li l-Ukraina ttenni d-determinazzjoni tagħha li tkompli miexja fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea, kif ukoll lejn kooperazzjoni qawwija mal-UE fiż-żona tal-viċinat skont il-politiki tas-Sħubija tal-Lvant u tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed;

15.

Jitlob lill-Kummissjoni u l-Kunsill biex jaffermaw mill-ġdid ir-rieda tal-UE li tgħin lill-Ukraina f'din id-direzzjoni permezz tal-istrumenti proposti mis-Sħubija tal-Lvant u mill-Aġenda ta' Assoċjazzjoni UE-Ukraina; jitlob lill-Kummissjoni biex tallinja mill-qrib il-Programm ta' Indikazzjoni Nazzjonali 2011-13 mal-Aġenda tal-Assoċjazzjoni;

16.

Jenfasizza li Żona ta' Kummerċ Ħieles Estensiva u Komprensiva għandha tiżgura l-integrazzjoni gradwali tal-Ukraina fis-suq intern tal-UE inkluż it-twessiegħ ta' l-erba' libertajiet għall-pajjiż;

17.

Jilqa' l-intenzjoni li titwaqqaf rappreżentazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f'Kiev, u jisħaq fuq l-importanza li jikber aktar l-involviment tal-BEI fl-Ukraina;

18.

Jenfasizza l-importanza li tiżdied il-kooperazzjoni fl-iskambji taż-żgħażagħ u tal-istudenti u fl-iżvilupp ta' programmi ta' boroż ta' studju li jippermettu lill-Ukraini jiffamiljarizzaw ruħhom mal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

19.

Jappella lill-pajjiżi ġirien kollha biex jirrispettaw b'mod sħiħ is-sistema demokratika tal-istat Ukrain u jżommu lura minn kwalunkwe pressjoni jew indħil immirati biex ibiddlu r-rieda demokratika tal-Ukraina u kwalunkwe deċiżjoni meħuda minnha rigward l-iżvilupp politiku, soċjali u ekonomiku tagħha;

20.

Jiddeplora ħafna d-deċiżjoni tal-President Viktor Yushchenko, li għadu kemm spiċċa mill-kariga, li jonora wara mewtu lill-Stepan Bandera, mexxej tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonalisti Ukraini (OUN) li kkollaborat mal-Ġermanja Nażista, bit-titlu ta' “Eroj Nazzjonali tal-Ukraina”; jittama, f'dan ir-rigward, li t-tmexxija l-ġdida tal-Ukraina se terġa' tikkonsidra deċiżjonijiet ta' dan it-tip u żżomm l-impenn tagħha lejn il-valuri Ewropej;

21.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-għajnuna teknika neċessarja sabiex titjieb b'mod radikali l-effiċjenza tal-enerġija tan-netwerk tal-elettriku tal-Ukraina u biex tiżdied il-kooperazzjoni fir-rigward tar-riforma tas-settur tal-gass sabiex jiġi konformi mal-istandards tal-UE; jitlob li jingħata appoġġ konsistenti Ewropew għal strateġija Ukraina biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u biex tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija, bħala l-aħjar mezz biex jitnaqqas l-infiq fuq il-gass u d-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern u l-Parlament tal-Ukraina u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-OSKE u tan-NATO.


(1)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1.


21.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 348/6


Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010
Il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (Ġinevra, 1-26 ta' Marzu 2010)

P7_TA(2010)0036

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2010 dwar it-13-il sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti

2010/C 348 E/02

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2009 dwar l-iżvilupp tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluż r-rwol tan-UE (1), kif ukoll dawk tas-16 ta' Marzu 2006 dwar ir-riżultati tan-neġozjati tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar it-62 Sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem (2), tad-29 ta' Jannar 2004 dwar r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti (3), tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti (4), tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-riżultati tas-Samit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti tal-14-16 ta' Settembru 2005 (5), u tas-7 ta' Mejju 2009 dwar ir-rapport annwali rigward id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2008 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/RES/60/251 li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

wara li kkunsidra s-sessjonijiet regolari u speċjali preċedenti tal-UNHRC, kif ukoll sessjonijiet preċedenti tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR),

wara li kkunsidra it-13-il sessjoni li ġejja tal-UNHCR li se ssir f'Marzu 2010 u t-tmien sessjoni tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR) li se ssir bejn it-3 u l-14 ta' Mejju 2010,

wara li kkunsidra r-reviżjoni tal-UNHRC li għandha ssir fl-2011,

wara li kkunsidra l-bidliet istituzzjonali li saru bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fil-verżjoni li toħroġ mit-Trattat ta' Lisbona,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-rispett għall-universalità tad-drittijiet tal-bniedem u l-promozzjoni u l-protezzjoni tagħha jagħmlu parti mill-acquis etiku u legali tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-unità u tal-integrità Ewropea (7),

B.

billi l-UNHRC hija pjattaforma unika li tispeċjalizza fid-drittijiet universali tal-bniedem u forum speċifiku li jittratta d-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tan-NU,

C.

billi r-reviżjoni tal-UNHRC se timxi fuq żewġ binarji, b'mod li l-istatus tal-korp se jiġi diskuss fi New York, waqt li l-proċeduri f'Ġinevra; billi għadd ta' inizjattivi u laqgħat informali se jsiru matul is-sena li ġejja,

D.

billi l-irwol tal-Unjoni Ewropea bħala attur globali kiber fid-deċenji li għaddew, u l-inklużjoni ta' strateġija ġdida fis-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna tista' tkun strument ta' għajnuna għall-Unjoni ħalli taġixxi b'mod aktar effettiv biex tilqa' l-isfidi b'mod koerenti, konsistenti u effiċjenti,

E.

billi delegazzjoni mis-Sottokumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewopew se tmur Ġinevra għat-13-il sessjoni tal-UNHRC, kif sar fis-snin ta' qabel għas-sessjoniet tal-UNHRC, u qabel dan, għal dawk tal-predeċessur tal-UNHRC, il-Kummissjoni tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem,

1.

Jissottolinja l-importanza tat-13-il Sessjoni tal-UNHRC – is-sessjoni pern tal-UNHRC fl-2010; jilqa’ s-Segment ta' Livell Għolji tat-13-il sessjoni regolari li ġejja daqt, bil-parteċipazzjoni bil-ministri u tar-rappreżentanti oħrajn ta' livell għolja tal-gvernijiet; jinnota li ż-żewġ kwestjoni – il-kriża ekonomika u dik finanzjarja u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tagħlim u t-Taħriġ tal-Jeddijiet tal-Bniedem (HRET) - se jiġu diskussi fil-laqgħat tas-Segment ta' Livell Għoli;

2.

Jilqa' l-fatt li fuq l-aġenda tat-13-il sessjoni tal-UNHRC hemm “Rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-impatt tal-kriżijiet ekonomiċi u finanzjarji globali fuq ir-realizzazzjoni tad-drittijiet kollha tal-bniedem u dwar azzjonijiet possibbli meħtieġa biex dan l-impatt jittaffa”; jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jikkontribwixxu għal dan id-dibattitu b’mod attiv;

3.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jieħu sehem attiv fid-dibattitu annwali interattiv dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabiltajiet, kif ukoll fid-diskussjonijiet dwar id-dritt għall-verità (mibdi mill-Grupp tal-Amerka Latina u l-Istati tal-Karibew (GRULAC) u li jiffoka fuq il-verità storika dwar ir-repressjoni) u l-laqgħa ta' kull sena dwar id-drittijiet tat-tfal;

4.

Jisħaq dwar l-importanza tal-pożizzjonijiet komuni tal-UE dwar kwistjonijiet li se jkunu diskussi matul it-13-il sessjoni tal-UNHRC, allavolja l-modalitajiet rigward l-azzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE fil-UNHRC wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona għadhom m’humiex ċari għal kollox;

Il-ħidma tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem

5.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri tal-UE sabiex jopponu attivament kull tentattiv li jhedded il-kunċett tal-universalità, l-indiviżibilità u l-interdipendena tad-drittijiet tal-bniedem, u sabiex iħeġġu attivament lill-UNHRC sabiex jagħti l-istess attenzjoni lid-diskriminazzjoni fuq kull bażi, inkluż ġeneru, razza, età, orjentazzjoni sesswali u reliġjon jew twemmin;

6.

Iwissi kontra l-politizzazzjoni estrema tal-UNHRC, għaliex din ma jħallihx iwettaq il-mandat tiegħu; jenfasizza l-importanza ta' riżoluzzjonijiet maħsuba għal pajjiżi speċifiċi sabiex jiġi ttrattat il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; f'dan il-kuntest, jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' “mozzjonijiet ta' ebda azzjoni” u jesprimi d-diżappunt tiegħu għall-użu ta' din il-proċedura matul il-11-il Sessjoni Speċjali tal-Kunsill li ma' ħallitx l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni finali konsistenti u koerenti li setgħet tindirizza s-sitwazzjoni fis-Sri Lanka;

7.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li bl-inizjattiva tal-Brażil it-13-il sessjoni speċjali se tinżamm f'Haiti, li l-iskop ta' dan kien li ssir fokalizzazzjoni fuq l-inkorporazzjoni ta' approċċ għad-drittijiet tal-bniedem fl-isforzi ta' rkupru wara t-terremot devastanti, u l-aspetti innovattivi ta' din is-sessjoni, bħala huma li ssir sessjoni speċjali wara li jkun hemm diżastru naturali u l-involviment ta' aġenziji speċjalizzati tan-NU bħala mezz sabiex tingħata bażi esperta għad-diskussjoni; jenfasizza l-irwol importanti tal-Espert Indipendenti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Haiti fl-integrazzjoni sistematika tad-drittijiet tal-bniedem fl-isforzi usa' tan-NU u inizjattivi mmexxija minn donaturi ta' appoġġ għal Haiti, u jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħtu segwitu għal din is-sessjoni billi jinkoporaw l-approċċ tad-drittijiet tal-bniedem fl-isforzi usa' tan-NU ta' appoġġ għal Haiti, b’attenzjoni partikolari lill-persuni vulnerabbli, bħat-tfal;

8.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jagħtu prijorità lil miżuri speċifiċi tal-UNHRC biex jitwaqqaf il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-popolazzjoni ċivili fil-gwerer u l-kunflitti vjolenti, inkluża vjolenza diretta speċifikament kontra n-nisa u t-tfal kif ukoll il-problema tas-suldati tfal;

9.

Jiddispjaċih li l-UNHRC ma kinitx kapaċi tittratta b’mod suffiċjenti u propizju sitwazzjonijiet serji oħrajn relatati mad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jikkundannaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u jistinkaw ħalli jinħolqu mekkaniżmi dedikati tal-UNHRC maħsuba biex iwieġbu l-kriżijiet tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afganistan, fil-Ginea, fl-Iran, fil-Jemen u fl-Iraq u fis-Saħara tal-Punent; isostni li l-mandat tan-NU jinkludi l-monitoraġġ tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fis-Saħara tal-Punent;

10.

Jerġa' jtenni l-pożizzjoni tiegħu rigward il-kunċett ta' “defemazzjoni ta' reliġjonijiet” u filwaqt li jirrikonoxxi l-bżonn li tiġi indirizzata bis-sħiħ il-problema ta' diskriminazzjoni kontra l-inoranzi reliġjużi, iqis li l-inklużjoni ta' dan il-kunċett fil-Protokoll dwar standards kumplimentari għar-razziżmu, id-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-forom kollha ta' diskriminazzjoni mhix xierqa; jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw b'mod sħiħ l-istandards eżistenti rigward il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' reliġjon u twemmin;

11.

Itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jiġu rispettati fil-politiki interni tagħhom peress li jekk dan ma jsirx il-pożizzjoni tal-UE fil-UNHRC tiddgħajjef;

12.

Jilqa’ b'sodisfazzjon it-tiġdid tal-impenn mill-Istati Uniti fil-korpi tan-NU, u l-ħatra sussegwenti tagħhom bħala membru tal-UNHRC, kif ukoll il-ħidma kostruttiva tagħhom favur il-libertà tal-espressjoni fis-64 Assemblea Ġenerali tan-NU u fuq il-Pjan ta' Azzjoni dwar is-segwitu tal-Konferenza Reviżorja ta' Durban; jistieden lill-Istati Uniti u lill-Istati Membri tal-UE biex jagħtu segwitu u jikkooperaw bis-sħiħ ma' tali inizjattivi fil-futur;

13.

Huwa mħasseb bil-kandidatura tal-Iran fl-elezzjonijiet għall-UNHRC li se jsiru f'Mejju 2010; itenni l-oppożizzjoni tiegħu għall-kunċett tal-‘folja ġdida’ fl-elezzjonijiet tal-UNHRC, jitlob li jkun hemm elezzjonijiet kompetittivi fil-gruppi reġjonali kollha u jħeġġeġ lill-UE tagħmel kulma tista’ ħalli tevita li fl-UNHRC jiġu eletti pajjiżi li għandhom imgħoddi mill-iżjed problematiku fejn għandhom x'jaqsmu id-drittijiet tal-bniedem;

14.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu pressjoni biex ikunu stabbiliti kriterji ta' sħubija għall-elezzjoni tal-UNHRC, speċjalment ir-rekwiżit minimu ta' kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali b’konformità mat-termini ta' referenza tagħhom stess; jistieden lill-UE biex ikollha rwol mexxej billi tiżviluppa sensiela ta' linji gwida ma' msieħba transreġjonali għall-użu matul l-elezzjoijiet;

15.

Jitlob li tiġi ssorveljata b’mod effettiv l-implimentazzjoni attwali tal-Proċeduri Speċjali u tal-konklużjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet tal-korpi tat-Trattat fil-qafas tal-proċess tar-Reviżjoni Perjodika Universali għal kull pajjiż;

16.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jippreservaw b’ħilithom kollha l-Mandati tal-Proċeduri Speċjali kollha; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU fil-Myanmar u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li jkun hemm mandat ġdid speċifiku għall-pajjiż dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, meta titqies is-sitwazzjoni umanitarja i qed tmur għall-agħar;

17.

Jilqa' l-'Istudju konġunt dwar il-prattiki globali fir-rigward tad-detenzjoni sigrieta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu' li se jiġi diskuss waqt it-13-il sessjoni; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġawh u jipprovdu segwitu adegwat għar-rapport, b'konformità mal-pożizzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar din il-kwistjoni, speċjalment ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 (8) u tal-14 ta' Frar 2007 (9) dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri;

18.

Jistieden lill-UE biex tipparteċipa b’mod attiv fis-sessjonjiet li ġejjin tar-Reviżjoni Perjodika Universali sabiex tiżgura li jkun hemm proċedura ġusta u riżultat li jappoġġja u jaġixxi fuq il-Proċeduri Speċjali tan-NU u fuq il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-korpi tat-Trattat, inkluż billi tipprovdi l-għajnuna teknika neċessajra biex tinkiseb l-implimentazzjoni tagħhom;

19.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri biex jaħdmu ħalli jkun hemm pożizzjoni komuni b'saħħitha tal-UE rigward is-segwitu tal-Rapport Goldstone dwar il-missjoni għas-sejba tal-fatti dwar il-kunflitt f’Gaża u fl-Iżrael t’isfel, li b'mod pubbliku titlob l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha u li jkun hemm min iwieġeb għall-ksur kollu tal-liġi internazzjonali, inklużi d-delitti allegati tal-gwerra, u tħeġġeġ liż-żewġ naħat biex iwettqu investigazzjonijiet li jissodisfaw l-istandards internazzjonali ta' indipendenza, imparzjalità, trasparenza, prontezza u effikaċja, b'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/64/L.11, u jisħaq li l-osservanza tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi internazzjonali umanitarja mill-partijiet kollha u fiċ-ċirkostanza kollha hija kundizzjoni preliminari essenzjali għall-kisba ta' paċi ġusta u dejjiema fil-Lvant Nofsani;

20.

Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Istati Membri tal-UE biex jissorveljaw b’mod attiv l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-Rapport Goldstone permezz ta' konsultazzjonijiet ma' missjonijiet esterni tal-UE u ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi f'dan il-qasam; jitlob li r-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet relatati jiddaħħlu fid-djalogi tal-UE maż-żewġ naħat, kif ukoll fil-pożizzjonijiet tal-UE f’fora multilaterali;

21.

Jenfasizza li, għalkemm ir-reviżjoni tal-UNHRC mhix kwistjoni li għandha tiġi indirizzata direttament fit013-il sessjoni tal-UNHRC, hemm bżonn ta' proċess ta' reviżjoni trasparenti u komprensiv, li jqis l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati rilevanti l-oħra kollha;

22.

Jenfasizza li r-reviżjoni tal-UNHRC m'għandhiex twaqqfu milli jkompli x-xogħol sustantiv tiegħu dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

23.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, fid-dawl tal-ewwel laqgħa li ġejja tal-grupp ta' ħidma dwar ir-reviżjoni tal-UNHRC imwaqqaf bir-Riżoluzzjoni A/HRC/12/L.28, biex jaqblu fuq pożizzjoni komuni dwar din il-kwistjoni kif ukoll dwar strateġija ta' nnegozzjar effiċenti u proattiva; jisħaq l-importanza tal-pożizzjoni komuni tal-UE dwar il-proċess tal-analiżi tal-UNHRC u jitlob lill-Istati Membri tal-UE jirrispettaw il- ‘linja l-ħomor’ miftiehmin konġuntament;

24.

Jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin sabiex ifassal rakkomandazzjoni għall-Kunsill sabiex jipprovdi fiż- żmien meħtieġ kontribut għall-pożizzjoni tal-UE dwar r-reviżjoni li jmiss;

25.

Jesprimi l-fehma tiegħu, filwaqt li jirrikonoxxi l-bżonn għal dibattitu iktar komprensiv, li r-reviżjoni għandha żżomm l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), tissalvagwardja u, jekk ikun possibbli, issaħħaħ il-Proċeduri Speċjali, u tiggarantixxi l-possibilità li l-UNHRC jindirizza ksur speċifiku tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' riżoluzzjonijiet u mandati speċifiċi għall-pajjiż; jenfasizza l-importanza tal-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, kemm jekk huma soċjali, ekonomiċi, kulturali, ċivili jew politiċi; jirrikonoxxi d-diskussjonijiet dwar il-modi kif jissaħħaħ l-UNHRC mingħajr ma jsir rikors għall-pakkett tal-bini tal-istituzzjoni;

L-involviment tal-UE

26.

Jirrikonoxxi l-involviment attiv tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fil-ħidma tal-UNHRC u jifraħ lill-Belġju għas-suċċess li nkiseb s'issa mill-presidenza tiegħu u jilqa’ l-prijoritajiet tal-Presidenza Spanjola għall-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

27.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu r-ratifika universali tal-Istatut ta' Ruma u l-leġiżlazzjoni implimentattiva nazzjonali, b’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/CFSP tas-16 ta' Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali (10) u l-pjan ta' azzjoni tal-2004 li jagħti segwitu għall-pożizzjoni komuni; jirrikonoxxi l-Ftehim ta' Kooperazzjoni u Assistenza bejn l-UE u l-Qorti Kriminali Internazzjonali u, fuq dik il-bażi, jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-Qorti u biex jipprovdulha l-assistenza neċessarja; jinnota li l-ewwel Konferenza Reviżorja tal-Istatut ta' Ruma se ssir f'Kampala, l-Uganda, mill-31 ta' Mejju sal-11 ta' Ġunju 2010 u se tkun pass kruċjali fl-iżvilupp ulterjuri tal-Qorti;

28.

Jemmen li l-istruttura istituzzjonali l-ġdida tal-UE toffri opportunità biex jiżdiedu l-koerenza, il-viżibilità u l-kredibilità tal-azzjonijiet tal-UE fil-UNHRC; jistieden lir-Rappreżentant Għoli/lill-Viċi President tal-Kummissjoni biex tiżgura li jittieħdu passi prattiċi biex jiġi implimentat it-Trattat ta' Lisbona, ħalli jiġi evitat perjodu tranżizzjonali twil wisq li jxekkel il-kredibilità tal-Unjoni, u biex tiżgura li l-arranġamenti l-ġodda jżidu l-kapaċità tal-UE li tipparteċipa u tikkoopera b'mod transreġjonali ma' pajjiżi minn blokok oħra dwar inizjattivi konġunti;

29.

Jagħti mandat lid-delegazzjoni tiegħu għat-13-il sessjoni tal-UNHRC biex tesprimi t-tħassib espress f'din ir-riżoluzzjoni, jistieden lid-delegazzjoni biex tagħmel rapport dwar iż-żjara tagħha lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jikkunsidra li huwa xieraq li tibqa' tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għas-sessjonijiet rilevanti tal-UNHRC;

*

* *

30.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-64 Assemblea Ġenerali, lill-President tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU mwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.


(1)  Testi Adottati, P6_TA(2009)0021.

(2)  Testi Adottati, P6_TA(2006)0097.

(3)  Testi Adottati, P5_TA(2004)0037.

(4)  Testi Adottati, P6_TA(2005)0237.

(5)  Testi Adottati, P6_TA(2005)0362.

(6)  Testi Adottati, P6_TA(2009)0385.

(7)  L-Artikoli 2, 3(5) u 6 tat-Trattat UE.

(8)  Testi Adottati, P6_TA(2009)0073.

(9)  Testi Adottati, P6_TA(2007)0032.

(10)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cmsUpload/l_15020030618en00670069.pdf


21.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 348/11


Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010
Pekin + 15 – Pjattaforma ta' Azzjoni tan-NU għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

P7_TA(2010)0037

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2010 dwar Pekin + 15 – Pjattaforma ta' Azzjoni tan-NU għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi

2010/C 348 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Pekin f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni adottata f'Pekin u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati miss-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin +5 u Pekin +10 dwar aktar azzjoni u inizjattivi biex jimplimentaw id-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, adottati fid-9 ta' Ġunju 2000 u fil-11 ta' Marzu 2005 rispettivament,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Eliminazzjoni ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979 tan-NU,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali ta-Nazzjonijet Uniti tal-14 ta' Settembru 2009 dwar il-koerenza fis-sistema kollha (A/RES/63/311) li tappoġġja bil-qawwa l-konsolidazzjoni ta' diversi entitajiet għall-ugwaljanza bejn is-sessi f'entità komposta,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 5, 21 u 23 tagħha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jenfasizza valuri komuni għall-Istati Membri bħall-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jsemmi l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2006 bit-titolu “Il-pjan ta' rotta għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2006-2010” (COM(2006)0092),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 Diċembru 1998 li jistabbilixxu li l-evalwazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin se tinkludi indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi u benchmarks,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni komuni mill-ministri tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi magħmula fl-4 ta' Frar 2005 fil-kuntest tar-reviżjoni wara 10 snin tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, li fiha, fost affarijiet oħra, kien konfermat mill-ġdid l-appoġġ qawwi u l-impenn sħiħ tagħhom għall-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tad-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 u t-3 ta' Ġunju 2005 li fihom l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġew mistiedna biex isaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u biex joħolqu qafas għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, sabiex jinħoloq monitoraġġ aktar konsistenti u sistematiku tal-progress,

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi adottat mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2006 (1),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2007 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tan-nisa fil-koperazzjoni għall-iżvilupp,

wara li kkunsidra r-rapport komprensiv imħejji mill-Presidenza Svediża tal-Unjoni Ewropea bit-titolu “Pekin +15: Il-Pjattaforma ta' Azzjoni u l-Unjoni Ewropea” li juri b'mod preċiż l-ostakoli li bħalissa qed jimpedixxu r-realizzazzjoni sħiħa tal-ugwaljanza bejn is-sessi,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Ġunju 1995 dwar ir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa f'Pekin: “Ugwaljanza, Żvilupp u Paċi” (2) tal-10 ta' Marzu 2005 u dwar is-segwitu tar-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa - Pjattaforma ta' Azzjoni, Pekin +10 (3),

wara li kkunsidra l-mistoqsijiey tas-26 ta' Jannar 2010 lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar Pekin +15 – Pjattaforma ta' Azzjoni tan-NU għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (O-0006/2010 – B7-0007/2010, O-0007/2010 – B7-0008/2010),

wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, minkejja l-isforzi li saru, l-għanijiet strateġiċi tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin ma ntlaħqux u għadhom jippersistu n-nuqqas ta' ugwaljanza u l-isterjotipi tas-sessi, bin-nisa jibqgħu f'pożizzjoni subordinata għall-irġiel fl-oqsma indirizzati fil-Pjattaforma,

B.

billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, imħaddan fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u wieħed mill-objettivi u l-kompiti tagħha, u billi l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet kollha tagħha tikkostitwixxi missjoni speċifika għall-Unjoni,

C.

billi t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem min-nisa u l-bniet hija parti inaljenabbli, integrali u indiviżibbli mid-drittijiet universali tal-bniedem u hija essenzjali għall-avvanz tan-nisa u l-bniet, il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp,

D.

billi huwa kurċjali li l-irġiel u s-subien ikunu involuti b'mod attiv f'politiki u programmi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u li l-irġiel jiġu offruti opportunitajiet realistiċi, speċjalment f'termini tal-liv tal-paternità, li jaqsmu r-responsabilitajiet tal-familja u domestiċi man-nisa fuq bażi ugwali,

E.

billi jistgħu jinstabu sinerġiji sinifikanti fil-kontenut sostantiv bejn is-CEDAW u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, minħabba li ħafna mill-oqsma kritiċi ta' tħassib tal-Pjattaforma huma espliċitament koperti mill-Konvenzjoni,

F.

billi s-CEDAW iċċelebrat it-30 anniversarju mill-iffirmar tagħha, fit-18 ta' Diċembru 1979, kif ukoll l-10 anniversarju tal-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni, li jawtorizza lill-Kumitat tas-CEDAW li jisma' ilmenti dwar vjolazzjonijiet tad-drittijiet imressqa minn individwi, u billi sal-lum, 186 pajjiż rratifikaw is-CEDAW u 98 minnhom irratifikaw il-Protokoll Fakultattiv,

G.

billi t-tema magħżula għall-erbgħa u ħamsin sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa tan-Nazzjonijiet Uniti (l-hekk imsejħa Pekin +15), hija r-reviżjoni tad-Dikjarazzjoni għall-Azzjoni ta' Pekin ul-kontribut għall-formazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneru lejn ir-realizzazzjoni sħiħa tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju,

1.

Jenfasizza li, minkejja l-progress miksub fit-twettiq tal-objettivi strateġiċi tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, in-nuqqas ta' ugwaljanza u l-istereotipi tas-sessi jippersistu, bin-nisa jibqgħu f'pożizzjoni subordinata għal dik tal-irġiel fl-oqsma indirizzati mill-Pjattaforma;

2.

Iqis b'dispjaċir in-nuqqas ta' data f'waqtha, affidabbli u komparabbli, kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'dak tal-UE, għall-indikaturi li ntagħżlu għas-segwitu għal Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, li diġà ġew żviluppati f'ħafna mill-oqsma kritiċi ta' tħassib identifikati fil-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, inklużi n-nisa u l-faqar, il-vjolenza kontra n-nisa, il-mekkaniżmi istituzzjonali, in-nisa u l-kunflitti armati, u l-bniet;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa aktar ir-reviżjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin u biex tuża l-indikaturi u r-rapporti analitiċi effettivament bħala kontribuzzjoni għall-oqsma tal-politika differenti, kif ukoll bħala bażi għal inizjattivi ġodda bil-mira li tkun irrealizzata l-ugwaljanza bejn is-sessi;

4.

Iqis li huwa neċessarju li l-Kummissjoni tressaq pjan ta' nofs it-terminu għas-segwitu u r-reviżjoni regolari tas-settijiet ta' indikaturi diġà żviluppati għas-segwitu tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, bl-użu tar-riżorsi kollha disponibbli, inkluż l-għarfien espert tal-Grupp ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni dwar l-Integrazzjoni tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi;

5.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex meta tħejji l-istrateġija ta' segwitu għall-Pjan Direzzjonali tagħha, tqis il-kriżi ekonomika u finanzjarja, l-impatt tal-bidla fil-klima fuq in-nisa, l-iżvilupp sostenibbli, is-soċjetà li qed tixjieħ, u l-qagħda tan-nisa minn minoritajiet etniċi, speċjalment nisa Roma, kif ukoll is-segwitu tal-prijoritajiet tal-Pjan Direzzjonali attwali li ġejjin: indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u l-irġiel, inkluż is-subpunt 1.6 dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni multipla kontra n-nisa minn minoritajiet etniċi u n-nisa migranti; il-konċiljazzjoni tax-xogħol, tal-ħajja tal-familja u privata; parteċipazzjoni indaqs tan-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet; il-qerda tal-vjolenza bbażata fuq is-sess tal-persuna; l-eliminazzjoni tal-isterjotipi tas-sessi fis-soċjetà; u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki esterni u tal-iżvilupp;

6.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu aktar passi biex imexxu 'l quddiem l-emanċipazzjoni tan-nisa, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tas-sessi fil-koperazzjoni għall-iżvilupp, inkluż permezz tat-tlestija u l-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar is-Sessi, skont id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna u l-Aġenda ta' Accra għall-Azzjoni;

7.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, meta tfassal l-istrateġija ta' segwitu għall-Pjan Direzzjonali tagħha, toħloq rabtiet iktar qawwija mal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin, u b'hekk tiżgura li jkun hemm iktar koerenza bejn l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi u l-isforzi biex jintlaħqu l-objettivi identifikati fil-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin;

8.

Jappoġġja bil-qawwa l-ħolqien ta' entità ġdida tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ugwaljanza bejn is-sessi, li tgħaqqad il-politika u l-attivitajiet operattivi, u jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU, b'mod partikulari l-Istati tal-UE, biex jiżguraw li l-entità l-ġdida jkollha riżorsi finanzjarji u umani sinifikanti u titmexxa minn Sotto-Segretarju-Ġenerali tan-NU responsabbli għall-ugwaljanza bejn is-sessi;

9.

Jenfasizza li s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi huma parti integrali tal-aġenda tad-drittijiet tan-nisa, u li huwa essenzjali li jiżdiedu l-isforzi sabiex jittejbu s-saħħa u d-drittijiet riproduttivi tan-nisa, kemm fl-Ewropa u kemm globalment;

10.

Jenfasizza li s-saħħa sesswali u riproduttiva hija parti integrali mill-aġenda tas-saħħa tan-nisa;

11.

Jenfasizza li l-abort ma għandux jiġi promoss bħala metodu tal-ippjanar tal-familja, u li għandu jsir provvediment fil-każi kollha favur it-trattament uman u l-akkumpanjament psikoloġiku għan-nisa li rrikorrew għall-abort;

12.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea sabiex, fil-qafas legali l-ġdid stabbilit mit-Trattat ta' Lisbona, issir stat kontraenti tal-Konvenzjoni għall-Eliminazzjoni ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u l-protokoll fakultattiv tagħha;

13.

Iħeġġeġ lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex jippromwovi skambju ta' għarfien bejn l-Istati Membri fl-oqsma kollha indirizzati fil-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin permezz tal-programm għall-iskambju ta' prattiki tajba dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, sabiex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-impenji stipulati fil-Pjattaforma;

14.

Jitlob li fir-reviżjoni tal-Istrateġija ta' Lisbona fl-2010 jkun inkluż kapitolu (jew prijorità) b'saħħtu dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, akkumpanjat minn miri ġodda, li r-rabtiet mal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin jissaħħu u li l-indikaturi ta' Pekin żviluppati għas-segwitu tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin jintużaw għat-tisħiħ tal-perspettiva tas-sess fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u fir-Rapporti Nazzjonali dwar l-istrateġiji għall-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali;

15.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi regolarment il-progress miksub f'dawk l-oqsma kritiċi ta' tħassib identifikati fil-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin li għalihom diġà ġew adottati indikaturi żviluppati għas-segwitu tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin;

16.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentaw politiki speċifiċi għall-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi miżuri attivi, bl-għan li titħaffef it-temma ta' ugwaljanza de facto bejn is-sessi u l-promozzjoni u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha min-nisa u l-bniet;

17.

Jilqa' l-importanza mogħtija lill-ugwaljanza bejn is-sessi fil-pjanijiet tal-Presidenza li jmiss, dik Spanjola;

18.

Jirrikonoxxi li l-integrazzjoni tas-sessi u azzjonijiet speċifiċi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi huma strateġiji ta' appoġġ reċiproku u li jeħtieġ li l-istrutturi u l-metodi jkunu msaħħa u użati b'mod effettiv kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE;

19.

Jinkoraġġixxi lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex ikompli jiżviluppa strateġiji u għodod għall-integrazzjoni tas-sessi, b'mod partikolari fl-oqsma tal-evalwazzjoni tal-impatt tas-sessi u l-ibbaġitjar skont is-sessi;

20.

Itenni l-ħtieġa għall-implimentazzjoni sistematika u l-monitoraġġ tal-integrazzjoni tas-sessi fil-proċessi leġiżlattivi, baġitarji u proċessi importanti oħra, u ta' strateġiji, programmi u proġetti f'oqsma ta' politika differenti, inkluża l-politika ekonomika, il-politiki ta' integrazzjoni, il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni kemm għall-impjiegi u kemm għall-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali, l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għal Żvilupp Sostenibbli, il-qafas għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, il-politika esterna u ta' żvilupp, u l-Politika Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża komuni, u għall-promozzjoni tal-użu sistematiku ta' indikaturi żviluppati għas-segwitu tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Pekin fl-oqsma kollha rilevanti tal-politika u l-proċessi;

21.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.


(1)  Bul. KE 3-2002, punt I.13.

(2)  ĠU C 166, 3.7.1995, p. 92.

(3)  ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 247.


21.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 348/15


Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010
Green Paper dwar ir-riforma tal-politika komuni tas-sajd

P7_TA(2010)0039

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2010 dwar il-Green Paper dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (2009/2106(INI))

2010/C 348 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2002 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-Politika Komuni tas-Sajd (2),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982,

wara li kkunsidra l-Ftehim tal-1995 dwar l-Implimentazzjoni tad-Dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Konservazzjoni u l-Ġestjoni ta’ Stokk ta’ Ħut li hu Komuni f’Aktar minn Żona Waħda u Stokk ta’ Ħut li hu Migratorju Ħafna (“Il-Ftehim ta’ New York” tal-4 ta’ Awwissu 1995),

wara li kkunsidra l-Kodiċi tal-Kondotta tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) għal Industrija tas-Sajd Responsabbli, li ġie adottat fil-31 ta’ Ottubru 1995,

wara li kkunsidra l-Kodiċi ta’ Prattika għas-Sajd Rikreattiv tal-EIFAC, li ġie adottat f'Mejju 2008,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni li saret fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar mis-26 ta’ Awwissu sal-4 ta’ Settembru 2002 f’Johannesburg,

wara li kkunsidra l-Istrateġija Mġedda tal-UE dwar l-Iżvilupp sostenibbli kif adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2006,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (3),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol tal-PKS fl-implimentazzjoni tal-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-ibħra (COM(2008)0187) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta’ Jannar 2009 dwar il-PKS u l-approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tal-ibħra (4),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għodod ta’ ġestjoni bbażati fuq id-drittijiet għas-sajd (COM(2007)0073) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta’ April 2008 dwar l-għodod ta’ ġestjoni bbażati fuq id-drittijiet għas-sajd (5),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “t-twettiq tas-sostenibilità tas-sajd fl-UE permezz tar-rendiment massimu sostenibbli” (COM(2006)0360) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-6 ta’ Settembru 2007 dwar it-twettiq tas-sostenibilità tas-sajd fl-UE permezz tar-rendiment massimu sostenibbli (6),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta’ ħut fis-sajd Ewropew” (COM(2007)0136) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-31 ta’ Jannar 2008 dwar politika sabiex jitnaqqas il-qbid inċidentali mhux mixtieq u jiġi eliminat ir-rimi lura ta’ ħut fis-sajd Ewropew (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2009 dwar “Il-Governanza fi ħdan il-Politika Komuni dwar is-Sajd: il-Parlament Ewropew, il-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali u atturi oħra” (8), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni 2006-2008 għas-simplifikazzjoni u t-titjib tal-Politika Komuni tas-Sajd (9),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Settembru 2008 bit-titolu “Strateġija Ewropea għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima: Qafas koerenti ta’ Żona Ewropea ta’ Riċerka b'appoġġ ta’ użu sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra” (COM(2008)0534) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta’ Frar 2009 dwar ir-riċerka applikata li jkollha x'taqsam mal-politika komuni tas-sajd (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar il-proposta għal-regolament tal-Kunsill dwar Fond tas-Sajd Ewropew (11), tal-15 ta’ Ġunju 2006 dwar sajd qrib il-kosta u l-problemi li jiffaċċjaw il-komunitajiet tas-sajd qrib il-kosta (12), tal-15 ta’ Diċembru 2005 dwar in-netwerks tan-nisa: Sajd, biedja u diversifikazzjoni (13), u tat-28 ta’ Settembru 2006 dwar it-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika fl-industrija tas-sajd (14),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 7/2007 dwar is-sistemi ta’ kontroll, spezzjoni u sanzjoni relatati mar-regoli dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-Komunità, u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (15), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta’ bastimenti ta’ pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità (16) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 (17) li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, u riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Frar 2005 (18), tal-15 ta’ Frar 2007 (19), tal-5 ta’ Ġunju 2008 (20), tal-10 ta’ April 2008 (21) u tat-22 ta’ April 2009 (22),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2007 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (23),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “It-tnedija ta’ dibattitu dwar approċċ Komunitarju rigward is-sistema tal-ittikkettar tal-prodotti tas-sajd” (COM(2005)0275) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar l-istess suġġett (24),

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta’ Mejju 2009 dwar ir-rwol u r-responsabilitajiet ġodda tal-Parlament fl-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona (25),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-12 ta’ Lulju 2007 dwar Politika Marittima tal-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-oċeani u l-ibħra (26) u tat-2 ta’ Settembru 2008 dwar is-sajd u l-akkwakultura fil-kuntest ta’ Amministrazzjoni Integrata taz-Zona Kostali fl-Ewropa (27),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Frar 2009 bit-titolu “L-2050: il-Ġejjieni jibda llum – rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima” (28),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-Bidla fil-Klima (29),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Diċembru 2008 dwar l-adozzjoni ta’ Pjan Ewropew ta’ Kontroll tal-Istokkijiet tal-Marguni sabiex jitnaqqas l-effett dejjem jiżdied tal-marguni fuq l-istokkijiet tal-ħut, is-sajd u l-akkwakultura (30),

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar politika marittima integrata, b’mod partikulari, il-komunikazzjonijiet bit-titolu “Linjigwida għal Strateġija Integrata għall-Politika Marittima: lejn l-aqwa prassi fil-governanza marittima integrata u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati” (COM(2008)0395), “Pjan ta’ Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu: il-Ksib ta’ Prinċipji Komuni fl-UE” (COM(2008)0791) u “Niżviluppaw id-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea” (COM(2009)0536), u r-rapport riċenti dwar il-progress tal-politika marittima integrata tal-UE (COM(2009)0540),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-bini ta’ futur sostenibbli għall-akkwakultura - Spinta ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea” (COM(2009)0162),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu “Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd” (COM(2009)0163),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A7-0014/2010),

A.

wara li kkunsidra l-ħtieġa fundamentali tal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut sabiex is-settur tas-sajd ikun jista' jforni l-ħut lill-pubbliku u għall-bilanċ tal-ikel kemm fl-Istati Membri individwali u kemm fl-UE inġenerali, kif ukoll il-kontribut ewlieni tiegħu għall-benessri soċjoekonomiku tal-komunitajiet tal-kosta, għall-iżvilupp lokali, għall-impjiegi, għall-preservazzjoni u l-ħolqien ta’ attività ekonomika 'l fuq u 'l isfel (upstream u downstream), għall-provvista ta’ ħut frisk u għall-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet kulturali lokali,

B.

billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar għandha tintuża b’mod konsistenti bħala bażi għat-tħaddim tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), b’referenza partikulari għad-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-ġestjoni internazzjonali tas-settur tas-sajd,

C.

billi r-riforma tal-PKS għandha tqis il-politika tal-UE fil-qasam tal-ambjent, kif jistipulaw it-Trattati, u d-Dikjarazzjoni ta’ Bali ta’ Diċembru 2007,

D.

billi l-Unjoni Ewropea (UE) hija entità ggvernata mil-liġi internazzjonali li, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati tagħha u tar-regoli ta’ operazzjoni, hija intiża b’mod speċifiku biex tiggarantixxi l-integrazzjoni ekonomika, soċjali u politika tal-politiki tagħha, fosthom il-PKS,

E.

billi l-għan bażiku tal-PKS, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2371/2002, hu li tiżgura l-iżvilupp sostenibbli u l-vijabilità ekonomika u soċjali tas-settur tas-sajd kif ukoll il-konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar, li huwa premessa fundamentali għall-eżerċitar tal-attività tas-sajd issa u fil-ġejjieni,

F.

billi l-PKS falliet fl-għan bażiku tagħha u wriet li politika li tkun iċċentralizzata żżejjed minn fuq għal isfel ma taħdimx,

G.

wara li kkunsidra d-diversità tal-ibħra tal-Ewropa u n-natura speċifika tal-flotta u l-prattiki tas-sajd f'kull wieħed minn dawk l-ibħra,

H.

billi fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Novembru 1976, b'mod partikulari fl-Anness VII tagħha, il-Kunsill ipprovda azzjoni għas-salvagwardja tal-ħtiġijiet partikulari ta’ reġjuni fejn il-popolazzjonijiet lokali huma dipendenti b'mod speċjali mis-sajd u minn attivitajiet relatati,

I.

billi l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 jistipula li l-PKS tkopri l-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-isfruttar tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin, l-akkwakultura, u l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fejn attivitajiet bħal dawn jiġu prattikati fit-territorju tal-Istati Membri, jew fl-ibħra komunitarji jew minn bastimenti tas-sajd Komunitarji, jew bla ħsara għar-responsabilità primarja tal-istat tal-bandiera, minn ċittadini tal-Istati Membri,

J.

billi 88 % tal-istokkijiet tal-Komunità qegħdin jinqabdu lil hinn mill-MSY u 30 % ta’ dawn l-istokkijiet qegħdin 'il barra mil-limiti bijoloġiċi siguri, u dan għandu konsegwenzi serji fuq il-vijabilità tal-industrija,

K.

billi l-implimentazzjoni tal-PKS tinteraġixxi direttament ma’ oqsma kbar bħall-protezzjoni ambjentali, it-tibdil fil-klima, is-sikurezza, is-saħħa pubblika, il-ħarsien tal-konsumaturi, l-iżvilupp reġjonali, il-kummerċ intern u internazzjonali, ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u l-koperazzjoni fl-iżvilupp, u billi hija essenzjali għall-garanzija ta’ armonizzazzjoni xierqa u bil-ħsieb bejn dawn l-oqsma kollha, filwaqt li jiġi rispettat għal kollox il-prinċipju ta’ sussidjarjetà,

L.

billi, skont id-Direttiva 2008/56/KE, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiksbu jew iżommu status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet tal-ibħra tal-Unjoni Ewropea sa mhux iżjed tard mis-sena 2020, u billi dan ser jesiġi r-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd li jaqgħu taħt il-PKS,

M.

billi hemm disparità ċara fil-livell tad-dħul bejn persuni li jgħixu mis-sajd u setturi oħrajn tal-popolazzjoni; billi hu meħtieġ li dawn ta’ ewwel jiġu garantiti livell ta’ għixien ekwu, partikularment permezz ta’ żieda fid-dħul individwali tagħhom,

N.

billi s-sitwazzjoni ġeopolitika ekonomika u soċjali attwali u t-tfassil ta’ strateġija u ta’ pjan ta’ azzjoni għall-konservazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani u l-ibħra fl-Ewropa u d-dinja (politika marittima integrata – IMP) jiġġustifikaw l-impenn tagħna li nistabbilixxu PSK li tkun sostenibbli f'sens ambjentali u soċjoekonomiku u li fiha s-setgħa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-Parlament fir-rigward tal-PKS tkun imsaħħa kif stipulat fit-Trattat ta’ Lisbona,

O.

billi s-sajd huwa waħda mill-attivitajiet li l-aktar li jużaw il-baħar u r-riżorsi tiegħu, u għalhekk għandu jitqies bħala parti ewlenija tal-ġestjoni tal-Politika Marittima Integrata (IMP),

P.

billi l-Grupp Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), li jiġbor flimkien esperti mid-dinja kollha, ivvaluta l-impatt tat-tibdil fil-klima u kkonkluda li bosta ekosistemi huma mhedda minħabba l-kombinazzjoni bla preċedenti ta’ fatturi u ta’ tfixkil marbuta mat-tibdil fil-klima,

Q.

billi l-liġi primarja tal-UE u, dan l-aħħar it-TFUE rrikonoxxew in-natura tad-diffikultajiet li jolqtu lir-reġjuni l-aktar imbiegħda li, minħabba l-karattru permanenti u pervażiv u l-preżenza konġunta tagħhom, jiddifferenzjaw dawn ir-reġjuni mir-reġjuni l-oħra tal-Unjoni li għandhom żvantaġġi ġeografiċi u/jew problemi ta’ popolazzjoni,

R.

billi, sabiex tkun aktar inklużiva u effikaċi, il-PKS għandha tkun organizzata b'tali mod li tieħu approċċ multidixxiplinari li jinvolvi l-gruppi kollha marbuta direttament u indirettament mas-settur, bħas-sajjieda kummerċjali u rikreattivi, prodotti tal-akkwakultura, is-settur tal-ipproċessar, il-bejjiegħa bl-imnut, is-sidien tal-bastimenti, ir-rappreżentanti ta’ dawn il-gruppi, is-soċjetà ċivili (fosthom l-NGOs ambjentali u tal-iżvilupp), il-komunità xjentifika u l-partijiet interessati tal-istituzzjonijiet,

S.

billi din ir-riforma l-ġdida tal-PKS minn issa għandha tqarreb aktar il-politika dwar is-sajd mar-regoli tas-suq uniku,

T.

billi, minkejja li sar xi progress wara r-reviżjoni tal-PKS fl-2002, għad fadal problemi serji marbuta mal-kapaċità żejda tal-flotot u l-iskarsezza tar-riżorsi tas-sajd, li jvarjaw fid-daqs minn reġjun għall-ieħor, u dawn marru għall-agħar fl-aħħar snin, filwaqt li kkaġunaw impatti negattivi serji fuq speċijiet mhux immirati u fuq l-ambjent tal-ibħra inġenerali u ħallew l-ekosistemi f'kundizzjoni fqira,

U.

billi problemi bħall-kapaċità żejda u l-iskarsezza tar-riżorsi tas-sajd ma għandhomx jitqiesu endemiċi jew universali ġaladarba hemm varjazzjonijiet kbar fil-flotot u ż-żoni tas-sajd differenti, u billi s-soluzzjonijiet ta’ dawn il-problemi għandhom jiġu żviluppati u implimentati b'mod li jagħraf il-varjazzjonijiet reġjonali wiesgħa li hemm fl-UE kollha,

V.

billi l-ibħra tagħna kapaċi jsostnu volumi akbar ta’ ħut minn dak li qegħdin isostnu bħalissa, u billi jekk l-istokkijiet jitħallew jirkupraw ikunu jistgħu jiġu stabbiliti limiti li jippermettu l-qbid ta’ kwantitajiet ferm akbar ta’ ħut filwaqt li tinżamm is-sostenibbiltà,

W.

billi l-livelli ta’ rimi huma għoljin fi proporzjonijiet xejn aċċettabbli, u f'każi estremi s-sajjieda jirrapportaw li saħansitra jlaħħqu t-80 % tal-qabdiet tagħhom,

X.

billi l-politika ta’ konservazzjoni u ġestjoni kienet l-ikbar falliment tal-PKS u mindu nħolqot baqgħet ma ġiet emendata jew aġġornata qatt, u billi għalhekk jeħtieġ li nikkonċentraw fuq it-tfassil ta’ mudell ġdid ta’ konservazzjoni u ġestjoni tas-settur tas-sajd,

Y.

billi l-Unjoni Ewropea, bis-saħħa tal-impenji li daħlet għalihom fil-fora internazzjonali, iddefiniet l-objettivi tal-politika tas-sajd tagħha li għandhom ikunu mmaniġġjati permezz tal-Ogħla Rendiment Sostenibbli (MSY) tal-approċċ prekawzjonarju u bl-approċċ tal-ekosistema,

Z.

billi l-manutenzjoni tal-flotot tas-sajd moderni, kompetittivi, sikuri u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent mhijiex inkompatibbli mat-tnaqqis fil-kapaċità tas-sajd, li fil-fatt twettqet b'modi differenti minn bosta Stati Membri, fuq il-bażi ta’ riċerka xjentifika affidabbli, sabiex toqrob aktar lejn id-disponibilità tar-riżorsi, u billi l-partijiet interessati kienu dejjem favur miżuri li ma jnaqqsux is-saħħa tas-settur u li jkollhom effetti pożittivi u gradwali, bħall-isforzi biex tiżdied il-bijomassa tal-ħut, jitnaqqsu l-ġranet tas-sajd, biex jiġu stabbiliti żoni ta’ protezzjoni bijoloġiċi u jiġi mmodernizzat is-sajd fuq skala żgħira,

AA.

billi s-sajd huwa waħda mill-attivitajiet ekonomiċi l-aktar milquta mit-tifqir tal-istokkijiet tal-ħut ikkawżat mill-istat ħażin tas-saħħa tal-ekosistemi tal-baħar, u billi s-sostenibbiltà tiegħu fil-ġejjieni se tiddependi mill-ħila li din ix-xejra titreġġa' lura, permezz tar-restawr tas-saħħa u tal-bilanċ fl-ekosistema marittima kollha kemm hi; billi s-settur innifsu għandu għalhekk jikkontribwixxi għall-isforzi biex jerġa' jinħoloq bilanċ li għandu jippermetti s-sostenibbiltà fil-ġejjieni u jiżgura żieda fil-vijabbilità fil-perjodu medju u fit-tul,

AB.

billi s-sajd huwa essenzjali għall-għajxien ta’ bosta komunitajiet li jgħixu mal-kosta, li ilhom f’din l-attività għal bosta ġenerazzjonijiet u għaldaqstant ikkontribwew ukoll għad-dinamika ekonomika u soċjali tar-reġjuni konċernati u għall-wirt kulturali tal-UE, u ġaladarba l-politika tas-sajd għandha tiġi żviluppata b'mod li tipproteġi l-għajxien fir-reġjuni tradizzjonali tas-sajd Ewropej kollha billi tirrispetta d-drittijiet storiċi,

AC.

billi d-drittijiet storiċi dari kienu protetti mill-prinċipju tal-istabbiltà relattiva u, irrispettivament mill-forma tar-reġimi ta’ ġestjoni tal-ġejjieni, il-benefiċċji li jgawdu l-komunitajiet tal-kosta u li ġew akkumulati mill-istabbilità relattiva għandhom jibqgħu jitgawdew minn dawn il-komunitajiet,

AD.

billi l-flotta tas-sajd ta’ skala żgħira u ż-żoni li huma dipendenti ħafna mis-sajd jeħtieġu trattament differenti u appoġġ soċjoekonomiku akbar skont il-PKS il-ġdida,

AE.

billi, minkejja l-livell baxx ta’ rappreżentanza li għandhom fis-sottosettur tal-qbid, in-nisa huma grupp importanti fid-dawl tar-rwol fundamentali tagħhom f'oqsma direttament marbuta mal-PKS, bħalma huma l-akkwakultura, l-ipproċessar, l-ikkumerċjalizzar, ir-riċerka, il-ġestjoni kummerċjali, it-taħriġ u s-sikurezza marittima,

AF.

billi, kif diġà ġie rikonoxxut fis-settur agrikolu, in-nisa jbatu wkoll mill-inugwaljanzi fis-settur tas-sajd fil-forma ta’ pagi aktar baxxi (jew tabilħaqq l-ebda ħlas), inqas benefiċċji soċjali, u f'xi każi tfixkil fil-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom f'korpi amministrattivi f'ċerti komunitajiet jew assoċjazzjonijiet,

AG.

billi l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura huma sors importanti u li dejjem qed jiżdied l-użu ta’ proteini ta’ kwalità għolja u tax-xaħmijiet tajbin għas-saħħa li huma essenzjali għall-ħtiġijiet alimentari tal-UE,

AH.

billi l-flotta u s-settur tas-sajd Komunitarji huma sors ta’ ikel ta’ kwalità għolja u għandhom sehem importanti fir-rigward tal-impjiegi, il-koeżjoni soċjali u d-dinamiżmu fir-reġjuni tal-kosta, f'dawk remoti, f’dawk l-iktar imbiegħda u fil-gżejjer tal-UE,

AI.

billi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tas-sajd li jġorru ċertifikazzjoni akkreditata tal-ikel mill-punt tal-qbid mit-tismin sal-ipproċessar (jiddependi mill-industrija involuta) għall-ikkumerċjalizzar għandu jkun ibbażat fuq kriterji ta’ sostenibbiltà ambjentali u għandu jikkontribwixxi għal għarfien akbar tas-sajd sostenibbli, kemm fost il-produtturi u kemm fost il-konsumaturi,

AJ.

billi l-FAO għamlet xogħol sinifikanti fil-qasam tat-tikkettar ekoloġiku tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, u billi f'Marzu 2005, il-Kumitat tal-FAO għas-Sajd (COFI) fassal linji gwida dwar dan is-suġġett li għandhom jitqiesu mill-Kummissjoni Ewropea,

AK.

billi l-azzjoni biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli ta’ reġjun partikolari għandha ssaħħaħ l-interazzjoni bejn il-komponenti tal-ambjent naturali u l-komponenti umani tiegħu u tippromwovi l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tal-kosta tagħha; billi kull politika għas-sajd għandha tibda mill-preżunzjoni tal-interdipendenza bejn il-benessri ta’ dawn il-komunitajiet u s-sostenibbiltà tal-ekosistemi li huma parti integrali minnhom,

AL.

billi l-flotot ta’ skala żgħira u dawk li għandhom natura industrijali ta’ skala akbar għandhom karatteristiċi u problemi differenti ħafna u problemi li ma jistgħux jiddaħħlu f'mudell uniformi u għalhekk għandhom jiġu ttrattati b'mod differenti,

AM.

billi llum huwa aċċettat b’mod ġenerali li hemm għadd ta’ strumenti li joffru approċċ differenti għall-ġestjoni tas-sajd li jistgħu jissupplimentaw is-sistemi eżistenti u jkollhom sehem sinifikanti fil-ġestjoni Komunitarja tas-settur,

AN.

billi xi Stati Membri diġà stabbilixxew l-iskemi tagħhom, bħal skemi ta’ kreditu ta’ konservazzjoni maħsuba biex iħeġġu l-innovazzjoni pożittiva fl-industrija, u billi azzjonijiet bħal dawn li jittieħdu fuq il-livell ta’ Stat Membru jistgħu jiġu aġġustati biex jitqiesu ċirkostanzi lokali b'kooperazzjoni mal-partijiet interessati,

AO.

billi studju tal-mudelli ta’ ġestjoni tas-settur tas-sajd għandu jkun suġġett li jiġi kkunsidrat bir-reqqa, waqt li jitqiesu d-differenzi fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi u soċjali u d-differenzi fiċ-ċirkostanzi relatati mas-settur tas-sajd fid-diversi Stati Membri, mingħajr ma jiġi injorat ir-rwol tas-sussidjarjetà, bil-ħsieb li tiġi żgurata ġestjoni globali bbilanċjata tar-riżorsi u li ssir promozzjoni tal-aċċess proporzjonat għad-diversi flotot,

AP.

billi l-attività tal-industrija tas-sajd hija qabelxejn ikkonċentrata f'reġjuni li għandhom ekonomija fraġli li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma reġjuni tal-Objective 1, u billi s-sitwazzjoni ta’ kriżi fl-industrija qed ikollha impatt profond fuq il-koeżjoni ekonomika u soċjali ta’ dawn ir-reġjuni,

AQ.

billi l-valur tar-riżervi tal-baħar fejn il-qbid huwa pprojbit bħala waħda mill-għodod effiċjenti biex jiġu protetti l-ekosistemi tal-baħar u biex jiġu pprovduti benefiċċji fil-ġestjoni tas-settur tas-sajd huwa rrikonoxxut b'mod wiesa', sakemm l-istabbiliment u l-protezzjoni tagħhom jissodisfaw għadd ta’ standards minimi,

AR.

billi l-akbar attenzjoni possibbli għandha tingħata lill-importanza strateġika tal-akkwakultura u tal-iżvilupp tagħha f'livell Komunitarju, kemm f’termini soċjoekonomiċi u kemm f'termini ambjentali kif ukoll rigward is-sikurezza tal-ikel; billi madankollu, l-industrija għandha tevita li ssir ħsara fl-ambjent tal-baħar lokali jew li jinħlew l-istokkijiet selvaġġi, speċjalment il-pelaġiċi żgħar li jinqabdu biex jintgħalfu lil bosta speċijiet fl-akkwakultura,

AS.

billi l-attivitajiet tas-sajd għall-frott tal-baħar jiffurmaw parti integrali mis-settur u għandhom importanza kunsiderevoli f'ċerti zoni tal-kosta u, fil-każ tas-sajd għall-frott tal-baħar li jsir bil-mixi, ġeneralment isiru minn nisa; billi dawn l-attivitajiet għandhom jinġiebu għalkollox fl-ambitu tal-PKS il-ġdida,

AT.

billi l-UE teħtieġ tikkoordina l-politika tagħha ta’ żvilupp u l-PKS u tiddedika aktar riżorsi umani, tekniċi u baġitarji għas-settur tas-sajd fil-kuntest tal-politika għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp ma’ pajjiżi terzi,

AU.

billi l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u l-ftehimiet tas-sħubija tas-sajd għandu jkollhom sehem vitali u kull ma jmur aktar importanti fl-użu u fl-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra Komunitarji u internazzjonali, għalkemm bosta reviżjonijiet reċenti dwar il-prestazzjoni tal-RFMOs identifikaw nuqqasijiet serji fil-funzjonament tagħhom, li wasslu lill-Assemblea Ġenerali tan-NU biex titlob li jittieħdu miżuri urġenti ħalli tittejjeb il-prestazzjoni tagħhom,

AV.

billi l-korpi ta’ ġestjoni reġjonali għandhom rwol vitali u importanti fl-użu u fl-isfruttament sostenibbli tas-sajd fl-ilmijiet tal-Komunità stess, billi jippermettu t-teħid ta’ deċiżjonijiet amministrattivi fuq livell aktar xieraq li jinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti,

AW.

billi l-politika esterna tal-PKS hija essenzjali biex ikunu ggarantiti l-provvisti lill-industrija u lill-konsumaturi, peress li aktar minn terz tal-produzzjoni Komunitarja ġej minn zoni tas-sajd internazzjonali u minn ilmijiet li jidħlu fi ħdan l-EEZs ta’ pajjiżi terzi,

AX.

billi s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jikkostitwixxi waħda mill-aktar theddidiet serji għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin u jipperikola l-bażi tal-PKS, kif ukoll l-isforzi internazzjonali għall-promozzjoni ta’ governanza aħjar tal-oċeani, u billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll, li għandha tiġi implimentata dalwaqt, huwa maħsub biex ikompli jippromwovi l-monitoraġġ tal-ġestjoni u tal-koordinazzjoni,

AY.

billi 60 % tal-ħut ikkunsmat fl-Unjoni Ewropea jinqabad barra mill-ilmijiet tal-UE, u l-proporzjon huwa daqstant għoli fil-parti minħabba li, fost raġunijiet oħra, il-PKS ma rnexxilhiex iżżomm il-livelli tal-istokkijiet tal-ħut meħtieġa biex tiġi ssodisfata d-domanda taċ-ċittadini tal-UE,

AZ.

billi l-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet li fis-suq Komunitarju diġà daħlu prodotti li ma jirrispettawx id-daqsijiet minimi stabbiliti fl-UE, b'mod partikolari minħabba l-falliment li jiġu implimentati regoli dwar l-ikkumerċjalizzar ta’ prodotti ffriżati,

BA.

billi ħafna mill-impjiegi fis-settur tas-sajd bħalissa qed jimtlew minn ħaddiema li jiġu minn pajjiżi terzi, għax dan ix-xogħol qed isir anqas u anqas attraenti għaż-żgħażagħ li jgħixu fil-Komunità,

BB.

billi t-tnaqqis drastiku fil-prezzijiet tal-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet tal-ħut f'dawn l-aħħar snin kellu impatt negattiv ħafna fuq id-dħul tal-produtturi, filwaqt li dawn il-produtturi, fl-istess ħin, kellhom żidiet fl-ispejjeż tal-produzzjoni tagħhom li ma jistgħux jagħmlu tajjeb għalihom fil-prezz tal-bejgħ inizjali,

BC.

billi kien hemm bidla fl-istrutturi tas-suq għall-prodotti tas-sajd u tluq minn bilanċ aċċettabbli bejn il-produtturi u x-xerrejja għal sitwazzjoni li dawn tal-aħħar jistgħu jqisuha dejjem iżjed bħala waħda ta’ oligopolija, kaġun tal-konċentrazzjoni tad-distribuzzjoni u tal-katini tax-xiri,

BD.

billi ħafna mill-esportazzjonijiet minn pajjiżi terzi qed joħolqu problema serja għall-kompetittività tas-settur tal-Komunità, peress li dawn la jikkonformaw mal-istandards u mas-sistemi ta’ kontroll li japplikaw għall-produtturi tal-Komunità u għall-konsumaturi, u li jżidu l-ispejjeż tal-produzzjoni għall-produtturi Komunitarji,

BE.

billi, għal żmien fit-tul, din is-sitwazzjoni ta’ prezzijiet li qegħdin jitbaxxew mhix ta’ benefiċċju lanqas għall-konsumatur,

Ġenerali

1.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tissottometti l-Green Paper, li qiegħda tifforma l-bażi għal proċedura ta’ konsultazzjoni u għal diskussjonijiet importanti dwar id-diffikultajiet u l-isfidi li għandha l-PKS attwali, bil-ħsieb li ssirilha riforma urġenti u profonda, u jitlob li jitqiesu wkoll il-fehmiet tal-partijiet interessati;

2.

Iqis li r-riforma attwali hija kruċjali għall-ġejjieni tal-industrija tas-sajd Ewropea u li kull falliment fl-adozzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ riforma radikali jista' jwassal biex saż-żmien tar-riforma li jmiss la jkun hemm ħut u lanqas industrija tas-sajd;

3.

Jaqbel mal-Green Paper li s-sostenibbiltà ekonomika u soċjali teħtieġ stokkijiet tal-ħut produttivi u ekosistemi tal-baħar li jaħdmu sewwa, biex is-sostenibbiltà ekoloġika ssir premessa bażika għall-ġejjieni ekonomiku u soċjali tas-settur tas-sajd Ewropew;

4.

Jilqa' wkoll iż-żewġ prinċipji ewlenin stabbiliti mill-Kummissjoni bil-ħsieb li ssir riforma effikaċi u li tirnexxi tal-PKS, b'mod partikolari l-ħtieġa li tingħata aktar responsabilità lis-settur, ibbażata fuq it-twaqqif ta’ kundizzjonijiet favorevoli għall-prattika tajba tas-sajd biex jiġu pprovduti mudelli ta’ ġestjoni għal perjodu twil ta’ żmien u biex dawn jiġu aġġustati sabiex jinħolqu għodod li jikkomplementaw u jtejbu s-sistema unika tradizzjonali tat-TAC (il-qabda totali permessa) u l-kwoti li bħalissa hemm fis-seħħ kif ukoll sabiex jinstab tarf tal-problema tal-kapaċità żejda tal-flotot;

5.

Jilqa' l-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-ħames nuqqasijiet strutturali tal-PKS eżistenti, u jaqbel mal-fehma tagħha li hemm ħames aspetti li għandha tingħatalhom importanza ċentrali fir-riforma, jiġifieri: il-problema profonda ta’ kapaċità żejda tal-flotta; l-għanijiet politiċi mhux preċiżi li jirriżultaw fi gwida insuffiċjenti għad-deċiżjonijiet u għall-implimentazzjoni; sistema tat-teħid ta’ deċiżjoni li tinkoraġġixxi fokus fil-medda l-qasira; qafas li ma jagħtix responsabbiltà suffiċjenti lill-industrija; u n-nuqqas ta’ rieda politika li tiġi żgurata l-konformità, flimkien mal-konformità fqira min-naħa tal-industrija;

6.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtieġa li jiġi implimentat qafas aktar sempliċi sabiex ikun żgurat li jinkiseb l-aqwa riżultat tal-azzjonijiet li għandhom jiġu adottati, u għaldaqstant jenfasizza l-importanza li jiżdiedu l-isforzi f'din id-direzzjoni;

7.

Itenni li l-għan ewlieni tal-PKS għandu jkun li jiggarantixxi l-futur tar-riżorsi tas-sajd u tas-sajjieda, billi jiġi ggarantit l-irkupru tal-popolazzjonijiet tal-ħut u tar-restawr tal-vijabilità ekonomika tas-settur;

8.

Itenni li l-PKS għandha trid tiżgura s-sostenibbiltà għal perjodu twil ta’ żmien tas-setturi tas-sajd sabiex l-industrija tkun tista' tikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-vijabbiltà soċjoekonomika tal-komunitajiet kostali, filwaqt li tiggarantixxi l-provvista tal-ħut lill-pubbliku u s-sovranità u s-sigurtà tal-ikel, u t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tas-sajjieda, biex b'hekk tiżgura l-iżvilupp konsistenti taż-żoni tal-kosta li jiddependu b'mod l-aktar qawwi mis-sajd;

9.

Jemmen li l-ġestjoni tas-sajd għandha titfassal bil-ħsieb li jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq speċijiet assoċjati u dipendenti, u li d-deċiżjonijiet prinċipali għandhom jittieħdu wara li tkun saret valutazzjoni tal-impatt ambjentali, kif isir fil-biċċa l-kbira tal-industriji l-oħra;

10.

Jenfasizza li l-PKS attwali hija waħda fost l-aktar politiki Komunitarji integrati, u dan jagħti setgħat wesgħin lill-Komunità, u għalhekk responsabilitajiet, fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-baħar, u jistieden ukoll lill-partijiet interessati biex jinvolvu ruħhom iżjed mill-qrib;

11.

Jenfasizza li, minkejja li kienet riformata b'mod estensiv fl-2002, 27 sena wara li ġiet stabbilita, il-PKS qiegħda tħabbat wiċċha ma’ problemi serji f'ċerti setturi tas-sajd li l-karatteristiċi ewlenin tagħhom huma s-sajd eċċessiv, il-kapaċità żejda f'xi sezzjonijiet tal-flotta, l-ineffiċjenza fl-enerġija u l-ħela, in-nuqqas ta’ riċerka affidabbli dwar l-istokkijiet tal-ħut, kif ukoll fatturi oħrajn, bħar-rigress ekonomiku u soċjali li bħalissa qiegħed jolqot lis-settur, il-globalizzazzjoni tas-sajd u s-suq tal-akkwakultura, il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u t-tifqir progressiv tar-riżorsi kkawżat mill-istat fqir tas-saħħa tal-ekosistemi tal-baħar;

12.

Hu tal-fehma li kwalunkwe u kull politika tas-sajd għandha tqis għadd kbir ta’ dimensjonijiet, soċjali, ambjentali u ekonomiċi, li jeħtieġu approċċ integrat u bbilanċjat li jkun inkompatibbli mal-viżjoni tal-ħolqien ta’ ġerarkija fosthom abbażi ta’ definizzjoni a priori tal-prijoritajiet;

13.

Jenfasizza li s-salvagwardja tal-vijabilità tas-sajd, li huwa industrija strateġika, u tal-komunitajiet tas-sajd u l-konservazzjoni tas-sostenibilità tal-ekosistemi tal-baħar mhumiex objettivi irrikonċiljabbli;

14.

Iqis li problemi bħalma huma s-sajd żejjed, il-kapaċità żejda, l-investiment żejjed u l-ħela ma għandhomx jitqiesu endemiċi jew universali, iżda pjuttost problemi speċifiċi għal flotot u setturi tas-sajd partikolari, u li għandhom jiġu rranġati b'mod li jirrikonoxxi dawn l-ispeċifiċitajiet;

15.

Jirrimarka li l-Parlament, f'leġiżlaturi preċedenti, ġibed l-attenzjoni għall-fatt li r-regoli tal-PKS ma kinux qegħdin jiġu osservati mill-operaturi kollha u kemm-il darba stieden lill-entitajiet kompetenti tal-UE u l-Istati Membri kollha biex itejbu l-kontrolli, jarmonizzaw il-kriterji tal-ispezzjonijiet u s-sanzjonijiet u s-sistemi ta’ rrappurtar dwar il-qbid, jiżguraw it-trasparenza tal-konklużjonijiet tal-ispezzjonijiet u jsaħħu s-sistemi ta’ spezzjonijiet tal-Komunità biex tinħoloq kultura ta’ konformità bl-involviment tal-partijiet interessati ewlenin sabiex jingħatawlhom aktar responsabilitajiet;

16.

Jinnota li r-regolament il-ġdid ta’ kontroll fih għadd ta’ miżuri li huma suxxettibbli għall-kritika f'termini tas-suċċess tagħhom u tal-effikaċja tal-infiq tagħhom fil-kuntest tar-riforma tal-PKS;

17.

Jenfasizza li ħafna mill-problemi tal-PKS jirriżultaw minn falliment fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-governanza tajba;

18.

Jenfasizza li, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament mhuwiex se jkun biss entità ta’ konsultazzjoni iżda se jsir koleġiżlatur fis-settur tas-sajd, u b'hekk ikun qiegħed jaqsam is-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet mal-Kunsill, ħlief fl-iffissar tat-TACs u tal-kwoti;

19.

Jenfasizza li l-RFMOs u l-ftehimiet dwar is-sħubijiet tas-sajd għandu jkollhom sehem importanti fil-governanza u fl-applikazzjoni xierqa tal-prattika tajba tas-sajd fi ħdan l-ispazji rispettivi tagħhom ta’ kompetenza u l-oqsma ta’ applikazzjoni, u jenfasizza wkoll li l-pożizzjoni tal-UE għandha tkun li tippromwovi l-ogħla standards possibbli tal-konservazzjoni u tal-ġestjoni tas-sajd;

20.

Iqis li għandhom jinħolqu korpi ta’ ġestjoni reġjonali fl-ilmijiet tal-UE, li jinvolvu lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati rilevanti, sabiex ikollhom sehem ewlieni fil-governanza u fl-applikazzjoni ta’ prattika tajba tas-sajd fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tal-UE;

21.

Jenfasizza li l-proċess ta’ riforma tal-PKS għandu jkun iffinalizzat sal-bidu tal-2011, sabiex ikun żgurat li din tiġi kkunsidrata kif jixraq fid-diskussjonijiet tal-qafas finanzjarju li jmiss tal-UE u li l-PKS irriformata tkun implimentata bis-sħiħ;

22.

Jenfasizza li l-għarfien xjentifiku u r-riċerka teknika applikata għall-ħtiġijiet tas-settur għandhom jitqiesu biex jonqsu kemm jistgħu l-impatti negattivi fuq l-ekosistemi tal-baħar u li politika għall-konservazzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd għandha tkun stabbilita u rfinata progressivament, bl-involviment, is-sehem u l-koperazzjoni tal-ħaddiema tar-riċerka tas-settur bħala osservaturi u rappreżentanti sħaħ tal-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs); jenfasizza, barra minn hekk, li n-nuqqas ta’ data xjentifika preċiża dwar is-sajd u l-ekosistemi tal-baħar m'għandhiex tfixkel l-adozzjoni ta’ approċċ prekawzjonarju fil-politika komuni l-ġdida dwar is-sajd;

23.

Jenfasizza li, minkejja l-grad ta’ komplessità ta’ xi proċeduri għall-modifika tal-mudelli tal-ġestjoni tas-sajd u d-diffikultajiet, b'mod partikolari ta’ natura legali, li jistgħu jidhru fil-proċess, dawn mhumiex insuperabbli, kif jidher mill-applikazzjoni b'suċċess ta’ mudelli oħrajn ta’ ġestjoni f'partijiet oħra tad-dinja, jistieden lill-Kummissjoni teżamina bl-attenzjoni jekk jistgħux jiddaħħlu mudelli ġodda tal-ġestjoni sabiex jikkomplementaw mudelli eżistenti tal-ġestjoni tas-sajd;

24.

Jenfasizza li, minkejja l-miżuri għall-irtirar ta’ bastimenti mis-servizz, il-kapaċità żejda għadha problema serja u xi setturi tal-flotta Ewropea, speċjalment il-flotta ta’ skala żgħira, għadhom ma ġġeddux kif jixraq u fadal xi bastimenti li żmienhom għadda jew li huma qodma ħafna u li jeħtieġ li jiġu mmodernizzati jew jinbidlu bil-ħsieb li abbord ikun hemm aktar sikurezza u li dawn iħallu impatt inqas negattiv fuq l-ambjent, bla ma tikber il-kapaċità għas-sajd;

25.

Jisħaq fuq l-importanza tal-assoċjazzjonijiet tas-sajjieda, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi u assoċjazzjonijiet oħra fis-settur għall-operazzjoni bla xkiel u l-iżvilupp tas-settur;

26.

Jenfasizza li s-suċċess tal-akkwakultura sostenibbli se jiddependi minn ambjent li jkun favorevoli għall-intrapriżi fil-livell nazzjonali u/jew lokali u li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom ikunu kapaċi jistrieħu fuq qafas Komunitarju xieraq għall-iżvilupp armonjuż tas-settur u għall-ilħiq tal-ġid sħiħ tiegħu u tal-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi li jagħti preferenza lil dawk is-sajjieda li l-attivitajiet tagħhom qegħdin jonqsu;

27.

Jenfasizza li t-tkabbir fil-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea u t-tkabbir tal-UE fil-ġejjieni, kif ukoll il-fatturi tat-tibdil fil-klima, jista' jkollhom impatt konsiderevoli fuq l-istruttura attwali tal-ġestjoni tas-sajd u tal-azjendi għat-trobbija tal-ħut;

28.

B'sorpriża jinnota li r-rwol kruċjali tal-portijiet tas-sajd fis-settur tas-sajd ma jissemmiex fil-Green Paper, minkejja li l-portijiet huma atturi ewlenin għall-ħatt tal-ħut, għall-ħażna tiegħu u għall-faċilitajiet ta’ distribuzzjoni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tenfasizza r-rwol tal-portijiet fis-settur tas-sajd, fid-dawl tal-iżviluppi li ħolqu l-ħtieġa li tiġi aġġornata l-infrastruttura; iqis, barra minn hekk, li fil-ġejjieni l-portijiet tas-sajd tal-Ewropa se jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-provvediment ta’ sistemi ta’ ċertifikazzjoni u ta’ traċċabilità aħjar tal-qabdiet tal-ħut;

29.

Jenfasizza li l-involviment sħiħ tan-nisa fl-attivitajiet fis-settur fuq bażi ugwali mal-irġiel, huwa objettiv fundamentali li għandu jkun rifless fil-politiki u l-miżuri kollha mfassla u adottati għas-settur;

30.

Itenni li s-sajd huwa attività importanti ħafna, mhux biss f'termini alimentari, iżda wkoll f'termini soċjali, rikreattivi u kulturali, u li f'bosta reġjuni tal-kosta fl-Ewropa, jikkostitwixxi l-mezz ewlieni – u f'xi każijiet l-uniku – ta’ għajxien għal bosta familji li jiddependu minnu b'mod dirett jew indirett, filwaqt li jgħin biex jagħti l-ħajja lill-kosta u jgħaqqad it-tessut soċjoekonomiku, flimkien ma’ attivitajiet marittimi oħrajn;

31.

Iqis li jeħtieġ li jiġi apprezzat u rrispettat ir-rwol tan-nisa fis-setturi tas-sajd u fl-iżvilupp sostenibbli taz-zoni tas-sajd; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-konjuġi ta’ għajnuna jgawdu minn livell ta’ protezzjoni li jkun mill-inqas ekwivalenti għal dak illi jgawdu dawk li jaħdmu għal rashom u li jkollu l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għal dawn tal-aħħar anke fir-rigward tal-aċċess għall-professjoni u d-dritt għall-ħut; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkooperaw sabiex jippromwovu u jinkorporaw il-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs fl-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għas-Sajd (inklużi t-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-istadji ta’ valutazzjoni), kif previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006;

32.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-aktar gruppi vulnerabbli fis-settur tas-sajd, speċjalment il-ħaddiema nisa, is-sajjieda nisa u n-nisa li jiġbru l-frott tal-baħar, ma jkunux żvantaġġati fl-allokazzjoni tad-drittijiet tal-aċċess għar-riżorsi, billi tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tagħhom fl-RACs;

33.

Itenni li l-miżuri finanzjarji ta’ akkumpanjament għall-ġejjieni għandhom iqisu dawn l-objettivi ġodda tal-PKS; iqis, f'dan ir-rigward, li r-riżorsi finanzjarji li għandhom jiġu nnegozjati fi ħdan il-qafas tal-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid għall-2014-2020 għandhom jagħmlu dispożizzjoni għal żieda fil-baġit tal-PKS li toħloq il-kundizzjonijiet finanzjarji meħtieġa għall-implimentazzjoni sħiħa u għall-iżvilupp prattiku tal-linji gwida tar-riforma li ġew adottati; jenfasizza li Politika Komuni tas-Sajd tippresupponi finanzjament Komunitarju ġust bil-għan li jiggarantixxi li r-riżorsi akkwatiċi jkunu sfruttati b'mod li jissalvagwarda s-sostenibilità f'termini ekonomiċi, ambjentali u soċjali; jiċħad kull tentattiv biex l-ispejjeż tal-PKS jerġgħu jiġu nazzjonalizzati;

34.

Hu tal-fehma li t-tnaqqis konsekuttiv fl-appoġġ Komunitarju għas-settur, stipulat fil-qafas finanzjarju pluriennali attwali 2007-2013, b'mod partikolari t-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għall-Fond Ewropew għas-Sajd, u l-organizzazzjoni komuni tas-suq, huma fost il-fatturi li wasslu biex is-sitwazzjoni tas-settur tkompli teħżien;

35.

Jenfasizza li l-prinċipju ta’ konverġenza fl-allokazzjoni tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni, fosthom il-Fond Ewropew għas-Sajd, għandu jinżamm, skont il-prinċipju ta’ solidarjetà u mal-koeżjoni ekonomika u soċjali;

36.

Iqis li jeħtieġ ikun stabbilit perjodu ta’ tranżizzjoni sabiex din ir-riforma tal-PKS tkun tista' tiġi armonizzata mal-qafas attwali ta’ din il-politika komuni;

Aspetti speċifiċi

Il-ħarsien u l-konservazzjoni tar-riżorsi u t-tagħrif xjentifiku

37.

Iqis li l-impenji tal-PKS biex jitreġġgħu lura l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-possibilità ta’ tnaqqis tas-sajd kif ukoll il-livelli għoljin ta’ tniġġis u l-kompetizzjoni internazzjonali akbar għandhom ikun jaqblu mas-sostenibilità fit-tul tas-settur;

38.

Hu tal-fehma li l-PKS għandha tadotta strateġija ta’ ekosistema, li tkun ikkunsidrata bl-istess mod fl-attivitajiet ekonomiċi kollha li jsiru, fejn dawn jolqtu l-ambjent tal-baħar, u li għandha tagħmel enfasi fuq il-ġestjoni integrata tal-linji tal-kosta fejn hemm ekosistemi kumplessi u fejn jeħtieġ jinstab bilanċ ekoloġiku delikat ħafna bejn l-interessi ambjentali, ekonomiċi, soċjali, rikreattivi u kulturali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-riforma tal-PKS tinkludi l-miżuri adottati biex jingħeleb it-tibdil fil-klima u tistipula finanzjament adegwat biex jiġu implimentati dawn il-miżuri;

39.

Isostni li r-riforma tal-PKS għandha tkompli tosserva l-prinċipju prekawzjonarju stabbilit fil-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli u fil-Ftehim ta’ New York, sabiex jiġi evitat kull riskju għas-sopravivenza u/jew għas-sostenibbiltà tal-ispeċijiet fil-ġejjieni;

40.

Hu tal-fehma li l-komunitajiet tas-sajd lokali għandhom dejjem jingħataw li l-aċċess primarju għall-istokkijiet tal-ħut għalkemm id-drittijiet tal-aċċess għandhom ikunu bbażati fuq kriterji aġġornati u ma għandux jibqa' jkun ibbażat biss fuq il-kriterju tal-qabdiet storiċi, u l-kriterji ambjentali u soċjali għandhom ikunu introdotti gradwalment sabiex jiddeterminaw min ikollu d-dritt jaqbad il-ħut, inklużi s-selettività tat-tagħmir tas-sajd u l-qbid inċidentali u r-rimi li jirriżulta, it-tħarbit fil-ħabitat tal-baħar, il-kontribut għall-ekonomija lokali, il-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2, il-kwalità tal-prodott finali, l-impjiegi maħluqa u l-konformità mar-regoli tal-PKS, u li l-prijorità għandha tingħata lis-sajd għall-konsum uman; huwa konvint li l-użu ta’ kriterji bħal dawn jista' jrawwem dinamika li tista' twassal għal titjib fil-prattiki tas-sajd u għal industrija tas-sajd li tkun iżjed sostenibbli f'sens ambjentali, soċjali u ekonomiku;

41.

Iqis li d-drittijiet storiċi kienu preċedentement ġew protetti mill-prinċipju tas-sostenibilità relattiva u li kull reġim ta’ ġestjoni ġdida għandu jżomm il-benefiċċji tal-komunitajiet tal-kosta li nkisbu minħabba l-istabilità relattiva;

42.

Hu tal-fehma li r-rimi tal-ħut jirrappreżenta prattika tas-sajd mhix sostenibbli li għandha tinqata' bil-mod il-mod, u li dan għandu jseħħ bil-ħolqien ta’ inċentivi pożittivi u, fejn ikun meħtieġ, negattivi biex is-sajjieda jtejbu s-selettività tagħhom; iqis li jekk l-inċentivi ma jnaqqsux ir-rimi fi żmien xieraq, imbagħad għandha tiġi implimentata projbizzjoni dwar ir-rimi;

43.

Isostni li s-sostenibbiltà fit-tul tas-settur, l-adozzjoni tal-approċċ tal-ekosistema, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-għażla tat-tagħmir tas-sajd xieraq imsemmijin qabel jistgħu jinkisbu biss fi ħdan il-kuntest ta’ politika tas-sajd deċentralizzata li fiha jittieħdu deċiżjonijiet li jkunu xierqa għas-sitwazzjonijiet fis-setturi tas-sajd u fir-reġjuni marittimi individwali;

44.

Iqis li jeħtieġ li tiġi garantita protezzjoni effikaċi għaż-żoni tal-kosta li għandhom ambjent sensittiv ħafna (li huma l-postijiet prinċipali tat-tnissil u l-bidien għal riżorsi bijoloġiċi);

45.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-effetti li jista' jkollha l-implimentazzjoni tal-miżuri adottati biex tiġi miġġielda l-klima fuq is-sajd u l-ambjent marittimu;

46.

Huwa tal-fehma li stħarriġ kompresniv dwar il-flotta għandu jitqabbel mar-riżorsi tal-ħut li jkun disponibbli għall-qbid, sabiex jiġi determinat liema flotot ikunu f'bilanċ mar-riżorsi u liema minnhom ikun jeħtieġ li jitnaqqsu u b'kemm, kif jitlob ir-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

47.

Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom, kif indikat fir-Regolament il-ġdid dwar il-Kontroll li ġie adottat fl-20 ta’ Novembru 2009 (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, Artikolu 55(1), “jiżguraw li s-sajd rikreattiv li jsir fit-territorju tagħhom u fl-ilmijiet Komunitarji jsir b'mod li jkun kompatibbli mal-għanijiet u r-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd”;

48.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-implikazzjonijiet soċjali u l-ħsara serja li ssir lis-sajd minn xi predaturi tal-ħut, bħall-popolazzjonijiet kbar ħafna ta’ foki u marguni;

49.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ aktar investiment fil-livell nazzjonali u Ewropew fir-riċerka u fit-tagħrif xjentifiku applikati għall-qasam tas-sajd, biex jiġu inkoraġġiti l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka kollettivi, li l-kompetenza u l-esperjenza tagħhom żdiedu fis-snin reċenti, u għall-ħtieġa li dan is-settur jingħaqad b'mod aktar effikaċi mal-oqsma tas-suġġetti koperti mill-programmi qafas għall-promozzjoni tar-riċerka; jenfasizza li r-riċerka u l-għarfien rigward is-sajd jeħtieġ li jkunu kkoordinati fil-livell Ewropew; jemmen li huwa essenzjali li jitnaqqsu l-inċertezzi fil-valutazzjonijiet xjentifiċi u li tiġi ġġenerata u inkorporata data soċjali u ekonomika xierqa fil-valutazzjonijiet; hu tal-fehma li għandu jkun hemm l-inkorporazzjoni ta’ informazzjoni mill-partijiet interessati fil-valutazzjonijiet; jenfasizza li l-approċċ tal-ekosistema l-ġdid ser jinvolvi riċerka multidixxiplinari;

50.

Jenfasizza li r-riċerka xjentifika dwar is-sajd hija għodda essenzjali għall-ġestjoni tas-sajd u li hija indispensabbli għall-identifikazzjoni tal-fatturi li jinfluwenzaw l-iżvilupp tar-riżorsi tas-sajd, għax tagħmel valutazzjonijiet kwantitattivi u tiżviluppa mudelli li jippermettu t-tbassir tal-iżvilupp tagħhom, u ttejjeb ukoll it-tagħmir tas-sajd, il-bastimenti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tas-sikurezza tas-sajjieda, kif ukoll l-għarfien u l-esperjenza tagħhom;

51.

Jirrimarka li r-riċerka xjentifika għandha tqis il-komponenti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-attività tas-sajd; iqis li huwa essenzjali li ssir valutazzjoni tal-impatt li għandhom id-diversi sistemi/strumenti ta’ ġestjoni tas-sajd fuq l-impjiegi u d-dħul finanzjarju fil-komunitajiet tas-sajd;

52.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa, u drittijiet u pagi diċenti għar-riċerkaturi u l-esperti tekniċi involuti fir-riċerka xjentifika dwar is-sajd;

53.

Hu tal-fehma li għandu jsir użu dejjem akbar mis-sistemi tal-informatika rilevanti għas-settur u minn sistemi kompjuterizzati tal-ġbir u tat-trasferiment tad-data, kemm għall-amministrazzjonijiet reġjonali u nazzjonali u kemm għall-professjonisti u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi, biex b'hekk l-informazzjoni ssir aktar aċċessibbli u trasparenti;

54.

Hu tal-fehma li l-użu obbligatorju ta’ teknoloġiji ġodda fuq bastimenti tas-sajd (għall-finijiet ta’ spezzjonijiet u kontroll tas-sajd) għandu jiddaħħal gradwalment u b'perjodu ta’ tranżizzjoni ħalli jagħmilha aktar faċli għas-settur biex jadatta;

55.

Jirrikonoxxi li l-ispeċijiet immirati kif ukoll l-ispeċijiet mhux immirati bħal ħut, klieb il-baħar, fkieren, għasafar tal-baħar, mammiferi tal-baħar eċċ., huma ħlejjaq sentjenti, u jistieden lill-Kummissjoni biex talloka l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ metodi ta’ qbid u qtil li jnaqqsu t-tbatija bla bżonn tal-annimali selvaġġi tal-baħar;

Il-profitabilità u l-avvanz professjonali

56.

Jirrimarka li r-riforma tal-PKS għandha tqis il-fatt li l-UE ddeċidiet li l-isfruttament tal-istokkijiet tal-ħut għandu jkun amministrat permezz tal-objettiv tal-prodott massimu sostenibbli, mifhum bħala limitu massimu għal-livell ta’ sfruttament, aktar milli bħala mira, iżda jenfasizza li din għandha tkun irrikonċiljata ma’ approċċ multispeċi li jqis is-sitwazzjoni tal-ispeċijiet kollha involuti f'zona tas-sajd partikulari u jevita l-approċċ kurrenti tal-applikazzjoni tal-MSY stokk bi stokk; hu tal-fehma li dan l-objettiv għandu jkun implimentat b'mod operattiv, li jkun ibbażat fuq data xjentifika u li jitkejlu l-konsegwenzi soċjoekonomiċi li jinvolvi;

57.

Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ ekonomiku u politiku għall-koperazzjoni bejn is-sajjieda u r-riċerkaturi, sabiex ikun jista’ jingħata parir fuq bażi li tirrifletti aktar ċar il-kundizzjonijiet fil-baħar u jkun jista' jiġi implimentat aktar malajr;

58.

Jenfasizza kemm hija importanti għall-industrija tas-sajd fis-sitwazzjoni soċjoekonomika, fl-impjiegi u fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda (ORs); ifakkar li l-aktar reġjuni mbiegħda fil-Komunità qed jaqgħu lura f'termini soċjoekonomiċi minħabba li huma tant imbiegħda, maqtugħa u iżolati, minħabba li huma żgħar u minħabba t-topografija u l-klima diffiċli, id-dipendenza ekonomika tagħhom fuq numru żgħir ta’ prodotti, b’mod partikolari l-prodotti tas-sajd, is-swieq limitati u n-natura doppja tagħhom (kemm bħala reġjuni Komunitarji kif ukoll bħala territorji f’ambjent ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw), u li dawn il-karatteristiċi jiġġustifikaw id-diskriminazzjoni pożittiva f’ċerti oqsma tal-PKS, b'mod partikolari fejn jidħol l-appoġġ għall-modernizzazzjoni u t-tiġdid tal-flotta;

59.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi l-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni l-aktar periferiċi (ORs) u tar-reġjuni tal-ġżejjer, u d-differenzi bejniethom u l-komunitajiet fuq gżejjer remoti li jiddependu kważi kompletament fuq is-sajd għas-sopravvivenza ekonomika tagħhom, u sabiex tippromwovi miżuri mfassla għas-sostenibilità bijoloġika u soċjali tas-sajd f'dawn ir-reġjuni;

60.

Jappoġġa t-tkomplija tas-Sajd POSEI (skema ta’ kumpens għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd mill-aktar reġjuni periferiċi) skont l-istess linji tal-Agrikoltura POSEI; f’dan ir-rigward, jemmen li dan il-programm għandu jibqa' fis-seħħ b'mod permanenti, billi l-istatus tal-“aktar imbiegħed” huwa fattur permanenti;

61.

Iqis il-ħtieġa li jinħolqu gruppi interprofessjonali fis-settur tas-sajd li jinvolvu s-sidien, il-ħaddiema, dawk li jipproċessaw, l-intermedjarji, eċċ., li għandhom iħeġġu d-djalogu bejn id-diversi parteċipanti interessati fiż-żewġ direzzjonijiet tas-settur;

62.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal programmi Komunitarji speċifiċi li jkunu ta’ appoġġ għas-sajd tal-kosta fuq skala żgħira u mhux industrijali kif ukoll għat-trobbija tal-frott tal-baħar, attivitajiet li ġeneralment jitmexxew minn unitajiet operattivi ta’ daqs żgħir u medju, sabiex tgħinhom jegħlbu d-diffikultajiet strutturali tradizzjonali tagħhom billi jieħdu vantaġġ akbar mill-opportunitajiet mogħtija mill-FES, li ħafna mill-miżuri tiegħu huma diġà mmirati b’mod esklużiv lejn negozji żgħar u ta’ daqs medju, u sabiex b’mod speċifiku tgħinhom jiksbu aċċess akbar għas-swieq kif ukoll biex itejbu l-valur tal-prodotti tagħhom;

63.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu taħriġ xieraq għas-sajjieda u l-kaptani, inklużi skemi edukattivi obbligatorji fl-“aħjar prattika” fis-sajd u l-bażi essenzjali tal-ekoloġija tal-baħar għal dawk li jkunu jridu kwalifiki professjonali, bil-ħsieb li jittejjeb l-istatus tal-kwalifiki, biex il-professjoni jingħatalha prestiġju u biex jinġibdu żgħażagħ aktar adattabbli li jkunu kapaċi jaċċettaw il-mobilità tax-xogħol u jkollhom attitudni aktar intraprenditorjali lejn is-settur u li jinkorpora l-elementi tekniċi, xjentifiċi u kulturali kollha li jinħtieġu biex tingħeleb l-idea mifruxa li s-sajd huwa attività periferali;

64.

Jenfasizza li l-kwalifiki professjonali huma fattur importanti kemm għat-titjib tal-produttività kif ukoll għaż-żieda fil-pagi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-snajja’ huma karatteristika ta’ negozji teknoloġikament avvanzati li jfissru pagi aħjar, għarfien aħjar tal-istandards (u għalhekk hemm aktar ċans ta’ konformità magħhom) u li wieħed jifhem u jirrispetta aktar l-interazzjoni bejn is-sajd u l-ekosistemi;

65.

Hu tal-fehma li l-operaturi kollha tas-sajd u tat-trobbija tal-frott tal-baħar, irġiel u nisa, jeħtieġ li jiġu garantiti aċċess aktar faċli għall-istrumenti finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u għandu jingħatalhom l-istess status fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġi ggarantit li jkollhom il-kopertura tas-sigurtà soċjali u ħarsien fi ħdan is-sistemi ta’ għajnuna soċjali f'kull Stat Membru; jenfasizza li għandu jkun hemm strateġija ta’ appoġġ finanzjarju għall-professjonisti tas-sajd li, minħabba li l-kapaċità tas-sajd trid tkun aġġustata skont id-disponibilità tal-istokkijiet tal-ħut jew skont pjanijiet għall-irkupru tal-istokkijiet, dawn jista’ jonqsilhom ix-xogħol jew jistgħu jitilfu ħobżhom;

66.

Jistieden lill-Istati Membri, fi ħdan il-qafas tal-liġijiet tax-xogħol rispettivi tagħhom, biex jaslu għal ftehimiet kollettivi li għandhom jiġu aċċettati mill-flotot Ewropej sabiex ikun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fis-sikurezza fil-post tax-xogħol tagħhom;

67.

Iqis il-ħtieġa li jiġu ggarantiti prezzijiet aktar għoljin għall-ewwel bejgħ ta’ prodotti tas-sajd u li jitnaqqas l-għadd ta’ intermedjarji fil-katina li twassal mill-produtturi sal-konsumaturi kif ukoll, b'mod aktar wiesa', li jiġi żgurat l-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-ġestjoni tal-istokkijiet u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd, bl-għan li s-sottosettur tal-qbid iħalli qligħ kemm jista' jkun kbir u li jitħeġġu u jiġu appoġġati l-attivitajiet kollha ta’ bejgħ dirett u ta’ kummerċjalizzazzjoni minn produtturi li jkunu kapaċi jqassru l-katina;

68.

Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi dwar l-oriġini u l-kwalità tal-prodotti tas-sajd, tfassal programm speċifiku ta’ ttikkettar ekoloġiku bil-ħsieb li tittejjeb l-istampa tal-prodotti tas-sajd u tippromwovi s-saħħa tal-konsumatur, u tibbażah fuq is-sorveljanza stretta u t-traċċabilità sħiħa mill-punt fejn tinkiseb il-materja prima sal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott aħħari, kemm rigward il-bejgħ ta’ ħut frisk kif ukoll ta’ prodotti pproċessati mill-attività tas-sajd jew tal-akkwakultura;

69.

Itenni l-ħtieġa li tiġi żgurata konformità sħiħa mal-miżuri ta’ monitoraġġ u ċertifikazzjoni għas-sajd u l-prodotti tal-akkwakultura li jidħlu fis-suq Komunitarju, fosthom l-importazzjonijiet, sabiex tiġi aċċertata l-identità tagħhom u l-fatt li jiġu minn sajd sostenibbli u, jekk ikun hekk, li jkunu ġew ipproċessati b'mod xieraq; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li l-prodotti importati jkunu traċċabbli u jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-saħħa, tal-ambjent u soċjali imposti fuq il-prodotti Komunitarji, bl-għan ikun li jinħolqu l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd fis-suq Komunitarju;

Mudelli ta’ ġestjoni, deċentralizzazzjoni, aktar responsabilità, u sorveljanza

70.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minħabba li s-sajd huwa attività li tisfrutta riżorsa li tiġġedded, l-ewwel kompitu u l-aktar wieħed importanti tal-ġestjoni tas-sajd huwa l-kontroll, b’mod dirett jew indirett, tal-isforz totali tas-sajd, sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi garantita l-provvista tal-ħut lill-pubbliku fi ħdan qafas ta’ sostenibilità ta’ riżorsi;

71.

Iqis li hu essenzjali li jiġi stabbilit qafas politiku li jippermetti li jittieħdu deċiżjonijiet dwar is-settur għal żmien medju u fit-tul u li jkun jista' japplika pjanijiet tal-operat differenti li jkunu konsistenti man-natura speċifika tal-ekosistemi tal-baħar, tas-sajd u mal-karatteristiċi distintivi tal-flotot u l-industriji individwali Ewropej;

72.

Iqis li, filwaqt li l-għanijiet strateġiċi għal żmien fit-tul jistgħu jiġu formulati fil-livell tal-UE, ir-responsabilitajiet reali fejn jidħol l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet operattivi individwali għandhom jingħataw lill-Istati Membri u lill-korpi reġjonali, bl-istituzzjonijiet Ewropej jiżguraw li jintlaħqu l-għanijiet ewlenin;

73.

Iqis li l-pjanijiet ta’ ġestjoni u ta’ rkupru għal żmien fit-tul għandhom jiġu stabbiliti għas-sajd kollu u/jew għar-reġjuni ġeografiċi kollha tas-sajd; jitlob li dawn ikunu ta’ prekawzjoni fin-natura tagħhom, li jkunu bbażati fuq pariri xjentifiċi, u li jilħqu kriterji konsistenti li jiżguraw l-approċċ tal-ekosistemi; hu tal-fehma li l-pjanijiet għandhom ikunu mmonitorjati regolarment sabiex, jekk ikun meħtieġ, ikunu jistgħu jiġu adattati għal ċirkostanzi ġodda;

74.

Iqis li l-pjanijiet ta’ ġestjoni u ta’ rkupru għandhom jiġu valutati b’mod xjentifiku u eżaminati bir-reqqa, permezz ta’ simulazzjoni, sabiex jiġi żgurat li huma jkollhom probabilità kbira li jilħqu l-għanijiet tagħhom minkejja l-ħafna inċertezzi li huma inerenti fl-għarfien tagħna tal-ambjent tal-baħar u l-karatteristiċi tal-istokkijiet tal-ħut;

75.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina l-miżuri kollha alternattivi biex tindirizza s-sajd żejjed, kif ukoll il-possibilitajiet li ċerti partijiet tal-flotta jiġu modernizzati mingħajr ma tiżdied il-kapaċità tas-sajd;

76.

Iqis li l-involviment aktar dirett tas-settur tas-sajd fil-formulazzjoni tal-PKS u l-ġestjoni tagħha jista’ jwassal għal tnaqqis sinifikanti fl-ammont ta’ rimi; iqis li għandu jingħata l-akbar appoġġ possibbli għall-esperimenti b’ġestjoni bbażata fuq ir-riżultati; iqis li dan se jkun jeħtieġ ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll (Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009), minkejja li għadu kemm ġie adottat biss lejn tmiem l-2009;

77.

Isostni li s-sistema ta’ ġestjoni għas-settur tas-sajd għandha titlaq mill-approċċ tradizzjonali minn fuq għal isfel, u l-enfasi minflok għandha tkun fuq il-prinċipju ta’ reġjonalizzazzjoni u sussidjarjetà (deċentralizzazzjoni orizzontali) bla ma twassal għal diskriminazzjoni reġjonali jew għat-tfixkil tal-implimentazzjoni komuni tal-politika dwar is-sajd, l-evalwazzjoni u l-flessibilità akbar tal-prinċipju ta’ stabilità relattiva u jekk il-konklużjonijiet ta’ dik l-evalwazzjoni jirrikjedux li dak il-prinċipju jkun applikat b'mod aktar flessibbli, u fuq il-parteċipazzjoni tal-professjonisti fis-settur u partijiet interessati oħrajn; jirrifjuta bil-qawwa, minħabba l-varjetà kbira ta’ karatteristiċi speċifiċi tal-flotta Komunitarja, kull tentattiv biex jiġi adottat mudell wieħed ta’ ġestjoni tas-sajd Komunitarju, u jitlob minflok biex jitqiesu kif jixraq l-partikolaritajiet speċifiċi tal-ibħra differenti Ewropej; madankollu jisħaq fuq il-ħtieġa li m’għandhomx jitqiegħdu fil-periklu la l-ugwaljanza tal-opportunità fost il-produtturi fis-suq Ewropew u lanqas l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni;

78.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem għal mudell simplifikat li jkun separat, definit b’mod ċar, liberali u bla burokrazija għall-ġestjoni tas-sajd tal-kosta fuq skala żgħira, li fih l-istituzzjonijiet Ewropej jistabbilixxu l-għanijiet predominanti li għandhom jintlaħqu mill-Istati Membri skont l-istrateġija tagħhom stess;

79.

Jagħraf il-potenzjal li l-ġestjoni proprja u r-reġjonalizzazzjoni joffru għall-ħolqien ta’ kultura ta’ konformità;

80.

Hu tal-fehma li l-involviment tal-partijiet interessati fit-tfassil u l-ġestjoni tal-politiki tal-ġestjoni tas-sajd jista' jwassal għal miżuri ta’ ġestjoni aktar effikaċi u għalhekk jemmen li l-innovazzjoni pożittiva fil-livell individwali, lokali jew tal-Istati Membri għandha tkun rikonoxxuta, inkoraġġuta u inċentivata;

81.

Iqis li huwa importanti li jkun hemm aktar dibattitu u analiżi rigward il-possibilità ta’ deċentralizzazzjoni tal-PKS, bil-parteċipazzjoni tal-partitijiet interessati kollha fil-livell istituzzjonali u settorjali;

82.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina bir-reqqa l-possibilità tal-adozzjoni ta’ mudelli ġodda tal-ġestjoni tas-sajd li huma komplementari mat-TAC u mas-sistema tal-kwota, barra fejn dik is-sistema tista' tkompli tkun xierqa, billi arranġamenti bħal dawn jiffaċilitaw l-introduzzjoni tal-politiki ta’ bla rimi u jippermettu lill-flotta li tadatta ruħha b'mod aktar flessibbli, skont id-diversità u d-distribuzzjoni attwali tal-istokkijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tesplora liema tibdiliet jekk tassew meħtieġa għandhom isiru għall-prinċipju ta’ stabilità relattiva u b’mod partikolari kif il-komunitajiet tal-kosta li jiddependu ħafna mis-sajd jistgħu jingħataw preferenza fit-tqassim tar-riżorsi tas-sajd;

83.

Iqis li s-sistema ta’ ġestjoni bbażata fuq l-isforz tas-sajd tista’ tgħin l-iżvilupp ta’ politika effikaċi mingħajr rimi kif ukoll is-simplifikazzjoni tal-proċeduri attwali ta’ amministrazzjoni u ta’ kontroll li jieħdu ħafna ħin u jqumu ħafna flus kemm għall-amministrazzjonijiet tas-settur kif ukoll tal-Istati Membri;

84.

Iqis li mhux biżżejjed li jitkejjel l-isforz tas-sajd b'mod uniformi, mingħajr ma titqies id-diversità tal-flotot u tat-tagħmir; iqis li l-azzjoni ta’ kontroll tal-isforz tas-sajd għandu jqis l-ispeċijiet diversi, it-tipi differenti ta’ tagħmir tas-sajd u l-valutazzjoni tal-impatt tal-qabdiet fuq l-istokkijiet ta’ kull speċi;

85.

Iqis li kull bidla fil-mudell ta’ ġestjoni għandha tinkludi perjodu tranżitorju ta’ applikazzjoni esklużivament fi ħdan kull Stat Membru sabiex jiġu evitati tibdiliet f’daqqa u jiġu valutati r-riżultati qabel ma l-applikazzjoni tiegħu tiġi estiża fil-livell Komunitarju;

86.

Iqis ukoll li kull mudell ġdid ta’ ġestjoni għandu jibni fuq l-arranġamenti eżistenti bbażati fuq l-istabilità relattiva, iżda hu tal-fehma li huwa inevitabbli li l-PKS tal-ġejjieni se jkollha tirrikonoxxi l-qagħda attwali rigward l-użu tal-kwoti, li jagħtu biżżejjed flessibilità lis-sistema biex ma tkomplix tfixkel l-effikaċja ekonomika u l-profitabilità tal-investimenti,

87.

Huwa tal-fehma li aktar ma jkun għoli l-livell ta’ parteċipazzjoni, aktar l-għanijiet ikunu ċari, u aktar ma jingħata appoġġ ekonomiku u soċjali lil dawk milquta, aktar wieħed ikun jista’ jifhem, jaċċetta u jimplimenta l-miżuri varji għall-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati mekkaniżmi għas-sussidju jew għall-kumpens tas-sajjieda milquta mir-riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali tal-pjanijiet pluriennali ta’ rkupru u ta’ ġestjoni u miżuri ta’ protezzjoni tal-ekosistemi;

88.

Isostni li l-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali (RACs), kif ukoll partijiet interessati oħrajn u l-valutazzjonijiet magħmula mill-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd, għandu jkollhom sehem aktar attiv, kemm waqt kif ukoll wara l-proċess ta’ riforma tal-PKS, u li dawn l-entitajiet għandhom jitqiegħdu f'pożizzjoni, loġistikament u finanzjarjament, biex jeżerċitaw ir-responsabilitajiet aġġornati tagħhom b'mod effikaċi u bis-sħiħ, kif hemm awspikat fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament, bħar-riżoluzzjoni msemmija aktar 'il fuq tal-24 ta’ April 2009;

89.

Jitlob li jkun hemm element reġjonali aktar b’saħħtu fit-teħid tad-deċiżjonijiet, li jqis aktar l-ispeċifiċitajiet reġjonali tal-ekosistemi u tal-kondizzjonijiet naturali tal-produzzjoni, bi rwol imsaħħaħ b'mod sostenibbli għall-korpi konsultattivi reġjonali;

90.

Jisħaq fuq l-importanza tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll u l-Ispezzjoni tas-Sajd fir-rigward tar-riforma tal-PKS u jenfasizza l-ħtieġa li jkunu ggarantiti l-armonizzazzjoni u l-oġġettività fil-kontroll tas-sajd u li tkun applikata sistema uniformi u ġusta ta’ regolamenti u sanzjonijiet, biex b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja fost is-sidien tal-bastimenti u s-sajjieda fil-prinċipju fundamentali tat-trattament ugwali;

91.

Hu tal-fehma li l-politika ta’ kontroll tal-PKS għandha tqis dan li ġej:

kontroll aktar dirett min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea, bl-akbar użu tal-possibilitajiet mogħtija bil-ħolqien tal-Aġenzija għall-Kontroll tas-Sajd,

is-simplifikazzjoni leġiżlattiva permezz tal-adozzjoni ta’ standards adattati bl-aħjar mod biex jintlaħqu l-objettivi,

l-applikazzjoni tal-prinċipju li l-parti li tikser il-liġi għandha ssewwi l-ħsara li tkun saret lil operaturi oħrajn, u

proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet minn isfel għal fuq, li jħaffef l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll;

92.

Jitlob li jkun hemm politika aktar komprensiva sabiex l-Istati Membri jkollhom aktar responsabilità, li biha l-Istati Membri li ma jkunux issodisfaw l-impenji tagħhom ta’ kontroll u ta’ konservazzjoni ma jkunux eliġibbli għall-fondi strutturali u għal suriet oħrajn ta’ għajnuna Komunitarja skont l-Artikolu 95 tar-Regolament dwar il-Kontroll il-ġdid; iqis li hu essenzjali li l-finanzjament tal-UE u dak nazzjonali għas-sajd għandu jkun inkanalat, b'mod flessibbli, biss għal attivitajiet u miżuri li jkunu msejsa fuq sajd sostenibbli mil-lat ekoloġiku, ekonomiku u soċjali;

93.

Jinnota li s-sajd illegali, mhux irregolat u mhux irrappurtat (IUU) huwa sura ta’ kompetizzjoni inġusta li tagħmel ħsara kbira lis-sajjieda Ewropej kollha li jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, nazzjonali u ta’ pajjiżi terzi u li jwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod responsabbli;

94.

Ifakkar li s-sajd IUU ifixkel l-operat ġust tas-suq tal-ħut u jhedded il-bilanċ tal-ekosistemi;

95.

Iħeġġeġ lill-UE biex taċċetta r-responsabbiltà tagħha bħala l-akbar importatur u suq dinji ta’ ħut kif ukoll biex tkun minn tal-ewwel sabiex jinstab tarf tal-problema dinjija tas-setturi tas-sajd illegali, filwaqt li tuża l-opportunitajiet disponibbli kollha sabiex il-ġlieda kontra s-sajd IUU ssir prijorità tal-aġenda internazzjonali, meta titqies il-ħsara ambjentali kbira li jikkaġuna, fosthom l-indeboliment tar-reżiljenza tal-ekosistemi tal-baħar għall-impatt tat-tibdil fil-klima, u t-theddida tiegħu għas-sigurtà tal-ikel;

Il-ġestjoni tal-flotot Komunitarji tas-sajd

96.

Jenfasizza li l-ambitu tar-riforma tal-PKS għandu jfittex soluzzjonijiet li jiggarantixxu bilanċ stabbli u permanenti bejn ir-riżorsi tas-sajd u l-kapaċità tal-flotot;

97.

Itenni l-importanza li l-kapaċità tal-flotot tas-sajd tkun adattata għar-riżorsi disponibbli, izda jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkwantifikaw il-kapaċità żejda attwali, u jidentifikaw liema flotot huma kbar wisq għall-opportunitajiet ta’ sajd attwali tagħhom;

98.

Jappoġġja trattament differenti għas-setturi tas-sajd fil-baħar miftuħ u għal dawk li l-istruttura u l-kapaċitajiet kummerċjali tagħhom huma aktar fuq l-istess livell ma’ attivitajiet ekonomiċi oħra, u għas-sajd fuq skala iżgħar b'rabtiet eqreb ma’ zoni kostali u swieq speċifiċi, b'volum iżgħar ta’ produzzjoni ta’ unità u bi strutturi differenti ta’ spejjeż u impjiegi;

99.

Jappoġġa l-abbozz ta’ definizzjonijiet ġodda ta’ sajd fuq skala żgħira u sajd industrijali u ta’ kriterji aktar flessibbli li fuqhom jiġu bbażati dawn id-definizzjonijiet, sabiex jiġi żgurat li jkunu adattati aħjar għan-natura diversa tas-sajd Komunitarju; għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel stħarriġ bir-reqqa u eżawrjenti dwar id-daqs, il-karatteristiċi u l-firxa tal-flotta Komunitarja Ewropea, u biex tiddefinixxi kull kategorija skont kriterji sodi, ħalli ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn flotot simili jew bejn flotot minn Stati Membri differenti li joperaw fl-istess ilmijiet;

100.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi b'mod ċar il-kapaċità żejda; iqis li hu meħtieġ jiġu aċċertati l-kawżi tal-kapaċità żejda u b'mod partikolari l-muturi ekonomiċi tal-kapaċità, u jeħtieġ jiġu esplorati r-rabtiet possibbli mal-politika tas-suq, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li f'ċerti każi, il-forzi tas-suq jistgħu jirrappreżentaw kriterju prinċipali li għandu jitqies; hu tal-fehma li l-kriterji għad-definizzjoni tal-flotta Komunitarja għandhom imorru lil hinn mill-parametri numeriċi simplistiċi u jinkludu elementi b'piż differenzjat għal kull reġjun, li jipprovdu mudell uniformi u flessibbli kapaċi jirrispondi b'mod ġust għas-sitwazzjonijiet differenti kollha fil-flotta Komunitarja;

101.

Huwa tal-fehma li l-FES preżenti u l-fondi strutturali futuri għas-settur tas-sajd għandhom ikomplu jappoġġaw it-tiġdid u l-modernizzazzjoni tal-flotta, speċjalment fejn jidħol is-sajd tal-kosta fuq skala zgħira u sajd mhux industrijali minħabba li dan l-appoġġ huwa bbażat fuq il-kriterji tas-sikurezza (biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol), l-iġjene u l-kumdità, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent, l-ekonomija tal-fjuwil u kriterji oħra li ma jinvolvux żieda fil-kapaċità tas-sajd għall-flotot ikkonċernati;

102.

Hu tal-fehma li l-politika dwar l-appoġġ għall-flotot tas-sajd għandha tqis il-kriterji bbażati fuq il-mertu, bħal: l-iżvilupp ta’ prattiki tas-sajd tajba li “ma jagħmlux ħsara lill-ambjent”, l-osservanza tal-kultura tal-konformità u l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ organizzazzjoni (assoċjazzjonijiet tal-produtturi);

103.

Hu favur it-twaqqif ta’ Fond tal-Iskrappjar bħala soluzzjoni effikaċi u immedjata għall-problemi ta’ kapaċità żejda, b'regoli biex l-użu tiegħu ma jkunx jista' jiġi mblukkat mill-Istati Membri;

104.

Iqis li l-flotot tas-sajd għandhom ikunu kapaċi li, għal żmien fit-tul, jiffinanzjaw lilhom infushom u jibqgħu kompetittivi f'suq liberalizzat tal-prodotti tas-sajd, iżda jenfasizza li dan jista' jiġri biss f'PKS b'mudell ta’ ġestjoni tas-sajd li jiffaċilita l-profitabilità tal-impriżi;

L-akkwakultura u l-prodotti pproċessati

105.

Hu konvint li settur tal-akkwakultura li jkun b'saħħtu, ta’ kwalità għolja u sostenibbli ambjentalment għandu l-potenzjal li jkattar it-tkabbir f'setturi relatati u jgħin biex jippromwovi l-iżvilupp fiż-żoni tal-kosta, 'il barra minnha u f'dawk rurali, b'benefiċċji konsiderevoli għall-konsumaturi wkoll fis-sura ta’ prodotti tal-ikel li jkunu bnien, ta’ kwalità għolja u magħmula b'mod ekoloġiku;

106.

Iqis li l-ħarsien u l-kompetittività tal-akkwakultura Komunitarja għandhom jissaħħu billi jkompli jingħata appoġġ sostanzjali għar-riċerka u għall-iżvilupp teknoloġiku, għall-ippjanar taż-żoni tal-kosta u għall-baċini tax-xmajjar, sabiex jitħaffef l-aċċess għall-ispazju meħtieġ, filwaqt li jitħaddnu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-akkwakultura fil-politika tas-swieq tal-UE; jirrikonoxxi s-sehem importanti li għandhom l-organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) stabbiliti skont l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tindirizza b'mod speċifiku l-ħtiġijiet speċjalizzati u r-rekwiżiti tas-settur tal-akkwakultura f'dawn ir-regoli;

107.

Iqis li l-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura jeħtieġ installazzjonijiet u metodi ta’ produzzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, fosthom sorsi sostenibbli ta’ għalf, sabiex jiġu evitati kwistjonijiet bħall-ewtrofikazzjoni tal-ilma u biex tiġi promossa l-produzzjoni ta’ prodotti ta’ kwalità aħjar permezz ta’ standards imtejba favur is-saħħa u permezz tat-twaqqif ta’ standards għoljin għall-akkwakultura organika u l-benessri tal-annimali kif ukoll livell għoli ta’ ħarsien għall-konsumatur; jisħaq fuq l-importanza li jiġu inklużi inċentivi għall-produzzjoni tal-akkwakultura organika u li jsiru sforzi biex titjieb l-effiċjenza tal-impjanti tat-trobbija tal-ħut;

108.

Iqis l-akkwakultura bħala parti integrali mill-PKS li għandha sehem komplementari vis-à-vis s-sottosettur tal-qbid, b'mod partikolari rigward id-disponibilità tal-provvista tal-ikel, l-impjegabilità u r-ripopolazzjoni, fuq kollox, ta’ speċijiet li huma fost dawk l-aktar sfruttati fl-ambjent naturali;

109.

Jitlob li jingħata appoġġ għall-investiment f'teknoloġiji ġodda tat-trobbija tal-ħut, fosthom sistemi intensivi biex l-ilma jkun jista' jiġi rriċiklat, it-trobbija tal-ħut tal-ilma baħar 'il barra mill-kosta u dak tal-ilma ħelu, kif ukoll ir-riċerka fit-trobbija ta’ speċijiet ġodda ta’ interess ekonomiku u ta’ għalf prodott b'mod li jagħmel anqas ħsara lill-ambjent, bi prijorità għall-appoġġ li jingħata għat-titjib tas-sotenibilità ambjentali; jirrikonoxxi l-iskala tal-potenzjal li hemm fl-akkwakultura 'l barra mill-kosta u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina mekkaniżmi speċifiċi għall-appoġġ tal-iżvilupp ta’ dan it-tip ta’ trobbija tal-ħut tal-ilma baħar 'il barra mill-kosta;

110.

Iqis li jinħtieġ li jiddaħħlu regoli li jistabbilixxu prattiki tajba tas-suq (kontrolli fuq il-kwalità tal-prodotti, ħarsien tal-konsumatur, dazji tad-dwana) u kompetizzjoni ġusta rigward il-prodotti tas-sajd li jiġu minn barra l-UE, minbarra dawk il-prodotti rregolati mir-regolamenti inklużi fil-ftehimiet tal-UE ma’ partijiet terzi;

111.

Iqis li hu essenzjali li, fil-każ ta’ perjodi ta’ waqfa bijoloġika għall-flotot bil-għan li l-istokkijiet tal-ħut jerġgħu jieħdu r-ruħ, għandha titqies ukoll l-industrija tal-ippriservar, fejn ma jkunx hemm sorsi alternattivi ta’ provvista għall-ispeċijiet milquta b'dawn il-miżuri;

112.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li jippromwovu t-tfittxija għal speċijiet ġodda fl-akkwakultura, b'mod partikolari l-ispeċijiet erbivori, li joffru kwalità għolja u valur miżjud, u sabiex tiġi promossa r-riċerka u l-iskambju ta’ prattiki tajba mal-Komunità kollha rigward speċijiet bħal dawn, kif ukoll il-metodi ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni marbuta magħhom bil-ħsieb li jiġi ssodisfat it-tħassib ambjentali u biex tintlaħaq pożizzjoni kompetittiva aħjar rigward ikel ġdid ieħor;

113.

Jisħaq fuq l-importanza li jingħata finanzjament lill-intrapriżi tal-akkwakultura, hu xinhu d-daqs tagħhom, bil-kriterju ewlieni jkun il-kontribut tagħhom għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-ħajja mal-kosta;

Is-swieq u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut

114.

Itenni l-ilmenti mleħħna mis-settur li r-riforma tal-COM għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura hi marbuta mal-proċess tar-riforma tal-PKS, kontra dak li ġara għall-politika dwar il-kontroll tas-sajd, u dan x'aktarx ifisser li wieħed irid jistenna l-2013 biex il-produtturi Komunitarji jkollhom qafas ġdid li jgħinhom itejbu l-profitabilità tal-attività tagħhom; jittama li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġejjieni tal-COM attwali titressaq mingħajr aktar dewmien;

115.

Jemmen li għandha titwettaq b'urġenza reviżjoni mifruxa tal-COM tal-prodotti tas-sajd sabiex tingħata spinta lill-kontribut tagħha ħalli jiġi ggarantit il-qligħ fis-settur, tiġi żgurata l-istabilità tas-suq, jitjiebu l-prodotti tas-sajd u jiżdied il-valur miżjud iġġenerat;

116.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinħolqu mekkaniżmi għall-promozzjoni tal-konċentrazzjoni tal-provvista, b'mod partikolari, it-twaqqif u l-qawmien mill-ġdid tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi;

117.

Jitlob, barra minn hekk, biex isir studju li jipprovdi analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni ġenerali dwar il-konċentrazzjoni tad-domanda fis-suq tal-prodotti tas-sajd, sabiex issir tfittxija għall-eżistenza ta’ strateġiji tas-suq li jistgħu jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni u jbaxxu l-prezzijiet għall-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet;

118.

Iqis li jinħtieġ li jinħolqu mekkaniżmi għall-intervent fis-suq, b'mod partikolari fis-sajd fejn jintuża l-mudell ta’ ġestjoni msejjes fuq il-prinċipju ta’ drittijiet tas-sajd trasferibbli, sabiex tkun evitata l-konċentrazzjoni żejda ta’ drittijiet tas-sajd fost għadd żgħir ta’ operaturi (klawsoli ta’ salvagwardja) billi, jekk jinqala' każ simili f'xi Stat Membru, dan jista' jipperikola l-vijabilità tal-flotta mhux industrijali tiegħu, u jekk dan iseħħ f'bosta Stati Membri, jista' jipperikola s-sostenibilità tas-settur f'xi wħud minn dawn l-Istati;

119.

Jitlob, fl-istess waqt, li fil-pjanijiet futuri tagħha tal-irkupru u l-ġestjoni, il-Kummissjoni tanalizza l-impatt u r-riperkussjonijiet possibbli tat-tnaqqis tal-qbid fis-suq Ewropew u l-importazzjoni li tirriżulta ta’ sostituti minn pajjiżi terzi biex tagħmel tajjeb għall-iskarsezzi fis-suq;

120.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-politika komuni tal-kummerċ tkun konsistenti mal-objettivi tal-PKS, sabiex jiġi żgurat li l-konċessjonijiet il-ġodda tal-UE (multilaterali, reġjonali u bilaterali) fir-rigward tal-protezzjoni tariffarja u non-tariffarja esterna, għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura ma jikkanċellawx jew jipperikolaw l-isforzi li jkunu saru biex jiġu żgurati swieq għall-produzzjoni Komunitarja bi prezzijiet rimunerattivi biżżejjed;

121.

Jemmen li għandu jsir dak kollu possibbli biex jiġi evitat li l-UE żżid id-dipendenza qawwija li diġà għandha, fuq l-importazzjoni minn pajjiżi terzi għall-provvisti tagħha tas-sajd u tal-akkwakultura;

122.

Iqis li l-UE jeħtiġilha tiggarantixxi l-promozzjoni esterna tal-prodotti tas-sajd Komunitarji, bħall-ħut ippriservat fil-laned u l-prodotti tal-akkwakultura, b'mod partikolari bil-promozzjoni taċ-ċertifikazzjoni tagħhom u bil-finanzjament tal-preżentazzjoni tagħhom f'konkorsi u fieri internazzjonali;

Ir-relazzjonijiet esterni

123.

Iqis li l-azzjonijiet esterni tal-PKS għandhom ikunu ggwidati mill-objettivi li jitħarsu l-interessi tas-sajd Komunitarju skont il-politika esterna tal-UE;

124.

Isostni li l-Komunità għandha tistabbilixxi preżenza aktar qawwija fl-RFMOs, fil-FAO, fin-NU, u f'organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn bil-ħsieb li tiġi promossa l-ġestjoni xierqa tas-sajd internazzjonali u jiġi miġġieled is-sajd illegali u li tkun iggarantita l-protezzjoni akbar tal-ekosistemi tal-baħar sabiex tkun salvagwardata s-sostenibilità tal-attivitajiet tas-sajd għall-ġejjieni;

125.

Isostni li għandhom jitfasslu skemi għall-promozzjoni ta’ prodotti tas-sajd ġejjin minn sorsi sostenibbli mil-lat ambjentali u ġusti mil-lat soċjali kemm fl-UE kif ukoll 'il barra minnha;

126.

Jinsisti li, kif stipulat fil-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, l-UE għandha taċċetta l-aċċess għal stokkijiet tal-ħut f'ibħra ta’ pajjiżi terzi biss meta jkun intwera b'mod xjentifiku li jkun hemm kwantità żejda li ma tkunx tista' tinqabad mis-sajjieda ta’ dak il-pajjiż terz u li dik il-kwantità żejda tista' tinqabad b'mod sostenibbli, b'konformità għall-inqas mal-istess standards li japplikaw għall-UE (fl-għażla tat-tagħmir, eċċ.);

127.

Isostni li ftehimiet tas-sajd ġodda ma’ pajjiżi terzi għandha tingħatalhom valutazzjoni globali, bl-użu ta’ kriterji, kif stipulat mill-Parlament Ewropew; iqis li l-iskop ta’ dawn il-kriterji għandu jkun li jinħoloq bilanċ bejn l-interessi ekonomiċi u l-promozzjoni tas-sajd sostenibbli, it-tisħiħ tal-kapaċità tas-sħab tagħna li jiggarantixxu s-sajd sostenibbli fl-ibħra tagħhom u b'hekk jagħtu kontribut biex itejbu l-governanza fis-settur tas-sajd barra l-UE, filwaqt li jitjiebu l-impjiegi lokali fis-settur u tinżamm il-kredibilità tal-Unjoni Ewropea bħala difensur globali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija, b'koerenza mal-politika esterna tal-UE;

128.

Jitlob, barra minn hekk, biex, fir-rigward tal-arranġamenti għal kumpens finanzjarju fil-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd, ikun hemm distinzjoni ċara bejn il-parti li tolqot il-komponent kummerċjali u dik li tolqot il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tas-sajd ma’ pajjiżi terzi, fl-interess ta’ aktar trasparenza baġitarja;

129.

Iqis li l-ftehimiet ta’ sħubija għandhom ikattru l-ħolqien tal-impjiegi f'pajjiżi terzi, inaqqsu l-livelli tal-faqar, jiżviluppaw strutturi ta’ appoġġ għas-settur (portijiet tas-sajd, ħażna tal-ħut u strutturi għall-ipproċessar, eċċ.) u għalhekk inaqqsu l-għadd ta’ immigranti fl-UE;

130.

Hu tal-fehma li l-kumpens finanzjarju mogħti bis-saħħa ta’ ftehimiet dwar is-sajd ma’ pajjiżi terzi għandu jintuża għall-promozzjoni u l-iżvilupp tas-settur tas-sajd f'dawn il-pajjiżi, jew permezz tal-mira obbligatorja tal-finanzjament għall-bini tal-infrastruttura (portijiet tas-sajd, ħażna, faċilitajiet għall-ipproċessar tal-ħut, eċċ.) jew permezz tal-għoti ta’ riżorsi operattivi (bastimenti, tagħmir, eċċ.) sabiex l-attività tas-sajd tkun tista' ssir b'mod responsabbli u sostenibbli;

131.

Hu konvint li l-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd għandhom ikunu nnegozjati fuq bażi xjentifika soda, u jqis li avvanzi neċessarji oħrajn jirrikjedu l-inklużjoni tal-miżuri tekniċi kollha fil-proċess ta’ negozjar u titjib sostanzjali fil-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-ftehim;

132.

Jappella biex is-settur milqut jiġi kkonsultat fil-proċess tan-negozjati u li l-RAC ta’ Distanzi Twal jieħu sehem bħala osservatur fil-kumitati konġunti previsti fil-ftehimiet;

133.

Iqis li s-sitwazzjoni li kulma tmur qiegħda ssir aktar ikkomplikata, il-ħtieġa għal segwiti aktar effikaċi għall-ftehimiet u l-għadd ta’ kompiti li dejjem qiegħed jikber għal parteċipazzjoni xierqa fl-RFOs jitolbu żieda fir-riżorsi umani u materjali tad-DĠ MARE, u li għandha tiġi studjata l-possibilità tad-deċentralizzazzjoni tal-maniġment eżekuttiv lejn l-Istati Membri;

Politika Marittima Integrata

134.

Iqis li l-PKS teħtieġ strateġija globali għall-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut u għandha tkun ikkoordinata mal-politiki ambjentali u tal-iżvilupp u mal-IMP;

135.

Iqis li kienet deċiżjoni tajba li l-Kummissjoni Ewropea għażlet li l-IMP tkun waħda mill-prijoritajiet tagħha, u jenfasizza li l-istrateġija l-ġdida dwar l-ekosistemi tistabbilixxi rabta prijoritarja diretta bejn il-PKS u l-IMP;

136.

Hu tal-fehma li l-attività tas-sajd għandha tiġi integrata u strutturata b'mod xieraq fi ħdan kuntest aktar wiesa' ta’ attivitajiet marittimi, bħat-trasport marittimu, it-turiżmu tal-baħar, l-impjanti tal-enerġija tar-riħ 'il barra mill-kosta u l-akkwakultura, u li għandha tkun inkluża fi gruppi ta’ attivitajiet marittimi;

137.

Jirrimarka li s-sajd huwa waħda mill-attivitajiet ekonomiċi li għandhom l-akbar impatt fuq l-ekosistemi billi jikseb riżorsi sinifikanti minnhom, u li huwa l-aktar wieħed li jintlaqat mill-azzjonijiet ta’ attivitajiet oħrajn f'dawn l-ekosistemi, bħat-turiżmu, it-trasport marittimu u l-iżvilupp urban mal-kosta;

138.

Hu konvint li l-integrazzjoni reali tal-PKS fl-IMP teħtieġ rieda politika u li l-entitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tas-sajd iridu jidħlu għall-impenji meħtieġa; jenfasizza li, waqt li tqis l-objettivi tagħha stess filwaqt li tirrikonoxxi l-ħtieġa għal rabta xierqa bejn il-politiki differenti li jħallu impatt fuq l-ambjent marittimu, il-PKS ma għandhiex tkun subordinata għal politiki Komunitarji oħrajn li llum huma ddefiniti; iqis, għall-kuntrarju, li dawn il-politiki għandhom jissalvagwardaw u jinkorporaw l-objettivi tal-politika dwar is-sajd;

139.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu assenjati r-riżorsi finanzjarji xierqa għall-IMP u jtenni l-prinċipju li prijoritajiet ġodda għandu jkollhom finanzjament ġdid; jiċħad l-idea li l-IMP għandu jkun iffinanzjat mill-EFF;

140.

Isostni li l-ippjanar xieraq tal-ispazji marittimi tal-Ewropa jeħtieġ li jiġi implimentat b'mod sistematiku, bil-għan li jkunu stabbiliti żoni bijoġeografiċi għall-ħarsien tal-aktar ekosistemi sensittivi tal-baħar; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li s-sajd fuq skala żgħira, l-akkwakultura tal-baħar u t-trobbija tal-frott tal-baħar isiru l-aktar fl-aktar ekosistemi vulnerabbli qrib il-kosta, li jfisser li l-interazzjoni tkun aktar diretta u immedjata;

141.

Jinnota li fil-Green Paper il-Kummissjoni tirrikonoxxi li ġeneralment ir-reġim tat-12-il mil nawtiku ħadem sewwa, u li għalhekk wieħed mill-ftit oqsma fejn il-PKS kienet relattivament ta’ suċċess kien dak fejn l-Istati Membri kellhom il-kontroll; għalhekk, jitlob li dan il-prinċipju jkun ta’ natura permanenti;

*

* *

142.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sajd u l-Akkwalkultura, lill-Kunsilli Konsultattivi Reġjonali, lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku, lill-Kumitat ta’ Djalogu Soċjali Settorjali għas-Sajd fil-Baħar u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 358, 31.12.2002, p.59.

(2)  ĠU C 271 E, 7.11.2002, p. 67.

(3)  ĠU L 164 , 25.6.2008, p. 19.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2009)0009.

(5)  ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 1.

(6)  ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 228.

(7)  ĠU C 68 E, 21.3.2009, p. 26.

(8)  Testi adottati, P6_TA(2009)0317.

(9)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 155.

(10)  Testi adottati, P6_TA(2009)0065.

(11)  ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 324.

(12)  ĠU C 300 E, 9.12.2006, p. 504.

(13)  ĠU C 286 E, 23.11.2006, p. 519.

(14)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 417.

(15)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.

(16)  ĠU L 286, 29.10.2008, p. 33.

(17)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(18)  ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 258.

(19)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 502.

(20)  Testi adottati, P6_TA(2008)0245

(21)  ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 87.

(22)  Testi adottati, P6_TA(2009)0255.

(23)  ĠU C 305 E, 18.12.2008, p. 271.

(24)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 233.

(25)  Testi adottati, P6_TA(2009)0373.

(26)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 531.

(27)  Testi adottati, P6_TA(2008)0382.

(28)  Testi adottati, P6_TA(2009)0042.

(29)  Testi adottati, P7_TA(2009)0089.

(30)  Testi adottati, P6_TA(2008)0583.


21.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 348/37


Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010
It-trasportazzjoni taż-żwiemel għall-qtil fl-Unjoni Ewropea

P7_TA(2010)0040

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Frar 2010 dwar it-trasportazzjoni taż-żwiemel għall-qtil fl-Unjoni Ewropea

2010/C 348 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi kull sena madwar 100 000 żiemel jiġu ttrasportati distanzi twal iżżejjed taħt kundizzjonijiet inumani biex jiddaħħlu fl-Unjoni Ewropea jew biex jiġu ttrasportati fiha sabiex jinqatlu;

B.

billi jeżistu provi ddokumentati sew li ż-żwiemel qed jiġu ttrasportati fuq distanzi twal, u dan qed joħloq diversi problemi ta’ benessri bħal korriment, mard, għeja u deidratazzjoni, minħabba n-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

C.

billi hemm provi sodi li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati ma ġiex infurzat b'mod qawwi;

D.

billi bħalissa qed issir reviżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 mill-Kummissjoni;

1.

Jinnota l-petizzjoni miġbura mill-World Horse Welfare dwar it-trasportazzjoni fuq distanzi twal ta’ żwiemel għall-qtil fl-Ewropa;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex effettivament iwettqu skrutinju tal-fajl ta’ evidenza tal-World Horse Welfare fil-kuntest tar-reviżjoni tal-Kummissjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005;

3.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea biex jinfurzaw b'mod qawwi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji (1), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  Il-lista tal-firmatarji hija ppublikata fl-Anness 1 tal-Minuti tal-25 ta’ Frar 2010 (P7_PV(2010)02-25(ANN1)).


III Atti preparatorji

Il-Parlament Ewropew

Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010

21.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 348/38


Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010
Proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea ***I

P7_TA(2010)0034

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Frar 2010 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Komunità Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (COM(2009)0361 – C7-0125/2009 – 2009/0106(COD))

2010/C 348 E/06

(Proċedura leġislattiva ordinarja - l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2009)0361),

wara li kkunsidra li l-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0125/2009)

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Konsegwenzi tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fuq il-proċeduri interistituzzjonali ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li għadejjin bħalissa” (COM(2009)0665),

wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikolu 194(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet legali dwar il-bażi legali proposta,

wara li kkunsidra l-Artikolu 55 u 37 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0016/2010),

1.

Jaddotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari kif tinsab hawn taħt;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti nazzjonali.


Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010
P7_TC1-COD(2009)0106

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-25 ta' Frar 2010 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru …/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(1) u (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

L-introduzzjoni ta' politika komuni dwar l-enerġija bbażata fuq is-solidarjetà u bil-għan li tassigura l-provvista tal-enerġija tal-Unjoni, tranżizzjoni lejn ekonomija li tuża l-enerġija b’mod estremament effikaċi u t-tħaddim ta' swieq tal-enerġija kompetittivi bbażati fuq kompetizzjoni ġusta fil-qafas tas-suq intern huwa għan li l-Unjoni stabbiliet għaliha.

(2)

Il-kisba ta' stampa ġenerali tal-iżvilupp tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fil-Unjoni huwa prerekwiżit għall-iżvilupp tal-politika Ewropea tal-enerġija. Għandha tippermetti lill-Kummissjoni tagħmel il-paraguni u l-evalwazzjonijiet meħtieġa jew tipproponi l-miżuri rilevanti abbażi ta' ċifri u analiżi xierqa, b'mod partikolari rigward il-bilanċ futur bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija. Kwalunkwe miżuri proposti jew meħuda fil-livell tal-Unjoni għandhom ikunu newtrali u m'għandhomx ikunu intervent fil-funzjonament tas-suq.

(3)

Ix-xenarju tal-enerġija fl-Unjoni u lil hinn minnha nbidel b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin u b'hekk l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija huwa kwistjoni kruċjali li trid tiġi solvuta bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni, b’mod partikulari permezz tal-effikaċja tal-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija, li jiġu identifikati nuqqasijiet futuri potenzjali u/jew provvista żejda ta' enerġija u li tiġi zgurata provvista regolari ta' enerġija għall-Unjoni u l-funzjonament bla interruzzjoni tas-suq intern u t-tranżizzjoni lejn ekonomija li tuża effiċjenza enerġetika għolja li daħlet għaliha l-Unjoni .

(4)

Il-kuntest il-ġdid tal-enerġija jesiġi investiment sinifikanti fl-infrastrutturi kollha, b'mod partikolari fis-setturi ▐ tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika kif ukoll l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' infrastruttura u teknoloġiji ġodda li s-suq qiegħed jadotta. Il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u aktar integrazzjoni tas-suq intern jagħtu rwol aktar prominenti lill-operaturi ekonomiċi għall-investiment u fl-istess waqt, rekwiżiti politiċi ġodda bħal pereżempju miri li jaffettwaw it-taħlita tal-fjuwils se jbiddlu l-politiki tal-Istati Membri favur infrastruttura tal-enerġija ġdida u/jew modernizzata.

(5)

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom dejjem jikkunsidraw li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija f'konformità mal-mira tal-UE ta' 20 % fl-effiċjenza tal-enerġija, bħala l-aktar mezz effiċjenti meta mqabbel mal-ispiża biex jintlaħqu l-miri ta' tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra (GHG), u jsir titjib u żvilupp fl-infrastruttura eżistenti qabel ma jsir investiment f’infrastruttura ġdida. Il-proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija għandhom ikunu kompletament allinjat mal-mira għall-2020 ta' mill-inqas 20 % tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli sostenibbli.

(6)

Minħabba l-għanijiet politiċi ġodda rigward l-enerġija u l-iżviluppi tas-suq, l-investiment prijoritarju fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni għandu jingħata aktar attenzjoni, b'mod partikolari bil-għan li jiġu antiċipati l-problemi, tas-sigurtà tal-provvista , jiġu promossi l-aqwa prattiki u tiġi stabbilita aktar trasparenza fl-iżvilupp futur ta' sistemi tal-enerġija interkonnessi fl-Unjoni.

(7)

Il-Kummissjoni u b'mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom għalhekk bil-ħsieb li jipprovdu garanziji għall-investimenti ta' prijorità, ikollhom data u informazzjoni preċiżi dwar il-proġetti ta' investiment attwali u futuri , inkluż id-dekummissjonar parzjali , fil-komponenti l-aktar sinifikanti tas-sistema tal-enerġija tal-UE.

(8)

Id-data u l-informazzjoni dwar l-iżviluppi prevedibbli fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni, it-trasport u l-ħżin fis-setturi varji tal-enerġija huma importanti għall-investiment ġejjieni tal-Unjoni . Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kummissjoni, u b'mod partikulari l-Osservatorju tas-Suq tal-Enerġija tagħha, tiġi nnotifikata dwar il- pjanijiet u l- proġetti ta' investiment fejn diġà nbdiet il-ħidma jew il-ħidma hija ppjanata li tibda fi żmien ħames snin u li għandhom l-għan li jiddekummissjonaw l-infrastruttura, kollha jew parti minnha, fi żmien tliet snin.

(9)

Sabiex il-Kummissjoni jkollha opinjoni konsistenti dwar l-iżviluppi futuri tas-sistema tal-enerġija tal-UE kollha, huwa meħtieġ qafas armonizzat ta' rappurtar għall-proġetti ta' investiment ibbażat fuq kategoriji aġġornati għad-data u l-informazzjoni uffiċjali li għandhom jiġu trażmessi mill-Istati Membri.

(10)

Informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament tista' tintuża għall-monitoraġġ tal-konformità mill-Istati Membri fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE, b'mod partikolari d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (2).

(11)

L-Istati Membri għandhom għal dan il-għan jinnotifikaw lill-Kummissjoni, id-data u l-informazzjoni dwar il-proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija li jikkonċernaw il-produzzjoni, il-ħżin u t-trasport taż-żejt, il-gass il-faħam, l-enerġija rinnovabbli , l-enerġija elettrika, kif ukoll proġetti kbar tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u l-qbid, it-trasport u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju ppjanati jew li qed jitwettqu fit-territorju tagħhom, inklużi interkonnessjonijiet ma' pajjiżi terzi . L-impriżi konċernati għandhom ikunu obbligati jinnotifikaw lill-Istat Membru bid-data u bl-informazzjoni inkwistjoni, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' timmonitorja l-infrastruttura tal-enerġija tal-UE. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikunu obbligati jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data pprovduta mill-impriżi .

(12)

Meta jitqies iż-żmien li jkun previst għall-proġetti ta' investiment fis-settur tal-enerġija, rappurtar kull sentejn għandu jkun suffiċjenti.

(13)

Bil-ħsieb li jiġi evitat piż amministrattiv sproporzjonat u li jitnaqqsu l-ispejjeż għall-Istati Membri u l-impriżi b'mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, dan ir-Regolament għandu jagħti l-possibbiltà li l-Istati Membri u l-impriżi jiġu eżentati mill-obbligi tar-rappurtar sakemm informazzjoni ekwivalenti u kumparabbli tiġi pprovduta lill-Kummissjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għas-settur tal-enerġija, adottata mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u bl-iskop li jintlaħqu l-għanijiet tas-swieq tal-enerġija Ewropej li jkunu kompetittivi, ta' sistema tal-enerġija Ewropea sostenibbli u ta' sigurtà tal-provvista tal-enerġija għall-Komunità Ewropea. Kwalunkwe duplikazzjoni ta' rekwiżiti ta' rappurtar speċifikati fit-tielet pakkett tal-liberalizzazzjoni tal-enerġija (id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (3), id-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (4), ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (5), ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (6) u r-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks ta' trażmissjoni tal-gass naturali (7) għandha tiġi evitata. Il-Kummissjoni għandha tikkjarifika l-applikazzjoni ta' din l-eżenzjoni sabiex verament tnaqqas il-piż tar-rappurtar u tiċċara l-kontenut, il-format u l-iskeda tal-obbligi ta' rappurtar, il-persuna jew korpi li huma suġġetti għal dawk l-obbligi u dawk li huma responsabbli għall-amministrazzjoni tas-sistema ta' rappurtar.

(14)

L-Istati Membri, l-entità delegata tagħhom jew, fejn xieraq, il-korpi inkarigati bil-pjanijiet ta' investiment tal-UE speċifiċi għas-settur tal-enerġija għandhom jiżguraw il-kwalità, ir-rilevanza, il-preċiżjoni, iċ-ċarezza, l-iskedi ta' ħin u l-koerenza tad-data u tal-informazzjoni notifikata lill-Kummissjoni, filwaqt li jiżguraw il-kunfidenzjalità ta' data u informazzjoni kummerċjalment sensittivi.

(15)

Għall-ipproċessar tad-data kif ukoll sabiex in-notifika tad-data tiġi ssemplifikata u tkun sigura, il-Kummissjoni u b'mod partikolari l-Osservatorju tas-Suq għall-Enerġija għandhom ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għal dan il-għan, b'mod partikolari t-tħaddim ta' għodod tal-IT u l-proċeduri integrati. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li tali riżorsi tal-IT jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tad-data u informazzjoni notifikata lill-Kummissjoni.

(16)

Il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-Istati Membri hija rregolata bid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (8), filwaqt li l-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-Kummissjoni hija rregolata bir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (9). Dan ir-Regolament iħalli dawk id-dispożizzjonijiet kif inhuma bħalissa.

(17)

L-aċċess għal informazzjoni ambjentali hu regolat permezz tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (10), kif ukoll permezz tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali. (11) Dan ir-Regolament iħalli dawk d-dispożizzjonijiet kif inhuma bħalissa.

(18)

Il-Kummissjoni u b'mod partikolari l-Osservatorju tagħha tas-Suq għall-Enerġija għandhom jipprovdu analiżi regolari u transsettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-UE u, fejn xieraq, analiżi aktar iffokata fuq ċerti aspetti ta' dik is-sistema tal-enerġija; tali analiżi għandha tikkumplimenta l-approċċi nazzjonali, tiżviluppa dimensjonijiet reġjonali u b'mod partikolari għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija billi tidentifika n-nuqqasijiet li jista' jkun hemm fl-infrastruttura u l-investiment u r-riskji assoċjati sabiex ikun jista' jintlaħaq bilanċ bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija fuq terminu ta' żmien twil. Din l-analiżi għandha tikkontribwixxi wkoll għal dibattitu kontinwu fil-livell tal-UE dwar il-ħtieġa ta' infrastrutturi tal-enerġija u għaldaqstant għandha tiġi mgħoddija lill-partijiet interessati għal diskussjoni.

(19)

L-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn monitoraġġ u rappurtar dwar proġetti ta' investiment fl-enerġija li jirriżultaw minn dan ir-Regolament li permezz tiegħu d-data miġbura se tkun magħmula disponibbli pubblikament u, fuq medda twila ta' żmien, se tikkontribwixxi għal xejriet tal-investiment ġodda u kkoordinati aħjar.

(20)

Il-Kummissjoni tista' tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri jew kwalunkwe espert ieħor kompetenti; bil-għan li jiġi żviluppat ftehim komuni tan-nuqqasijiet infrastrutturali potenzjali u r-riskji assoċjati u titħeġġeġ it-trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-iżviluppi futuri li huma ta' interess partikolari għal parteċipanti ġodda fis-suq.

(21)

Il-miżuri tekniċi, inklużi d-definizzjonijiet tekniċi supplementari, meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

(22)

Minħabba l-emendi meħtieġa sabiex l-isfidi tal-enerġija tal-lum jiġu adattati u għall-fini taċ-ċarezza, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96 (12) għandu għalhekk jitħassar u jiġi ssostitwit b'Regolament ġdid,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għan-notifika lill-Kummissjon ta' data u informazzjoni dwar proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fis-setturi taż-żejt, tal-gass ▐ , tal-faħam, tal-enerġija rinnovabbli u , tal-elettriku ▐ , u dwar proġetti ta' investiment ewlenin relatati mat-tisħin u mat-tkessiħ distrettwali u mal-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju li dawn is-setturi jipproduċu.

2.     Dan ir-Regolament japplika wkoll għall-impriżi tal-UE li jinvestu fi proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija f’pajjiżi terzi li jkunu direttament konnessi man-networks tal-enerġija ta' Stat Membru wieħed jew aktar, jew li jkollhom impatt dirett fuqhom.

3.   Dan ir-Regolament għandu japplika għat-tipi ta' proġetti ta' investiment elenkati fl-Anness fejn il-kostruzzjoni tkun diġà nbdiet ▐ jew hi ppjanata li tibda fi żmien ħames snin jew fejn huwa ppjanat li ma jibqgħux jitħaddmu fi żmien tliet snin.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“infrastruttura” tfisser kwalunkwe tip ta' stallazzjoni jew parti ta' stallazzjoni relatata mal-produzzjoni, it-trasport u l-ħżin tal-enerġija jew ta' sorsi ta' enerġija jew id-diossidu tal-karbonju;

(2)

“proġetti ta' investiment” tfisser proġetti bil-għan li:

(a)

jibnu infrastruttura ġdida;

(b)

jibdlu, jimmodernizzaw, iżidu jew inaqqsu l-kapaċitajiet ta' infrastrutturi eżistenti;

(c)

jiddekummissjonaw parzjalment jew totalment l-infrastruttura eżistenti;

(d)

jiżviluppaw interkonnessjonjiet ġodda għas-sistemi tat-trasport tal-enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi;

(3)

“proġetti ta' investiment ippjanati” tfisser proġetti ta' investiment li fihom jiġġarrbu spejjeż kapitali qabel tinbeda l-kostruzzjoni jew qabel iseħħ id-dekummissjonar, inklużi proġetti ta' investiment li dwarhom l-awtoritajiet konċernati jkunu diġà rċevew talba inizjali għal awtorizzazzjoni, iżda li l-karatteristiċi ewlenin tagħhom (il-post, il-kuntrattur, l-impriża, ċerti karatteristiċi tekniċi u operattivi eċċ.) jistgħu, parzjalament jew kompletament, ikunu soġġetti għal analiżi ulterjuri jew għal awtorizzazzjoni finali;

(4)

“proġetti ta' investiment taħt kostruzzjoni” tfisser proġetti ta' investiment li l-kostruzzjoni tagħhom bdiet u l-ispejjeż kapitali ġġarrbu;

(5)

“dekummissjonar” tfisser il-fażi fejn it-tħaddim tal-infrastruttura jitwaqqaf b'mod permanenti;

(6)

“produzzjoni” tfisser il-ġenerazzjoni tal-elettriku u l-ipproċessar tal-fjuwils, inklużi l-bijofjuwils;

(7)

“trasport” tfisser tal-elettriku, gass, fjuwils likwidi jew tad-diossidu tal-karbonju, minn ġo network, b'mod partikolari:

(a)

minn ġo sistemi ta' pajpijiet, għajr in-network upstream tas-sistemi tal-pajpijiet u għajr dik il-parti tas-sistemi tal-pajpijiet li primarjament tintuża fil-kuntest tad-distribuzzjoni lokali;

(b)

minn ġo sistemi interkonnessi ta' vultaġġ għoli ħafna u vultaġġ għoli għajr is-sistemi tal-pajpijiet li primarjament jintużaw fil-kuntest tad-distribuzzjoni lokali;

(c)

minn pajpijiet tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali;

(8)

“ħżin” tfisser il-ħżin fuq bażi permanenti jew temporanja ta' sorsi ta' enerġija termali jew elettrika f'infrastruttura 'l fuq mill-art jew taħt l-art jew f'siti ġeoloġiċi jew li d-diossidu tal-karbonju jinżamm f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt l-art ;

(9)

“post tal-ħżin” tfisser sistema magħluqa ta' tankijiet tal-ħżin, jew struttura ġeoloġika speċifika li tikkostitwixxi faċilità tal-ħżin magħluqa;

(10)

“impriżi” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali privata jew pubblika, li tiddeċiedi dwar jew li timplimenta l-proġetti;

(11)

“sorsi tal-enerġija” tfisser

(a)

sorsi primarji tal-enerġija, bħalma huma ż-żejt, il-gass naturali jew il-faħam, jew il-fjuwil nukleari, jew sorsi tal-enerġija mibdula, bħalma huwa l-elettriku;

(b)

sorsi tal-enerġija rinnovabbli inklużi l-idroelettriku, il-bijomassa, ir-riħ, l-enerġija mix-xemx, dik mill-mewġ u dik ġeotermali;

(c)

prodotti tal-enerġija, bħalma huma l-prodotti taż-żejt raffinat u l-bijofjuwils;

(12)

“data aggregata” tfisser data aggregata fil-livell nazzjonali jew reġjonali; jekk l-aggregazzjoni fil-livell nazzjonali tiżvela informazzjoni kummerċjalment sensittiva relatata ma' impriża individwali, l-aggregazzjoni tista' ssir fil-livell reġjonali;

(13)

“korp speċifiku” tfisser korp fdat mil-leġiżlazzjoni speċifika tal-UE dwar is-settur tal-enerġija bil-preparazzjoni u l-adozzjoni tal-iżvilupp plurijennali tan-network tal-UE u bil-pjanijiet ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, bħan-network Ewropew tal-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għall-elettriku skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 u n-network Ewropew għall-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni għall-gass skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009;

(14)

“tisħin distrettwali” jew “tkessiħ distrettwali” tfisser id-distribuzzjoni ta' enerġija termali f'forma ta' fwar, ilma sħun jew likwidi mkessħin, minn sors ta' produzzjoni ċentrali permezz ta' network ta' diversi binjiet jew siti, għall-użu ta' tisħin jew tkessiħ ta' spazji jew ta' proċessi.

Artikolu 3

Notifika tad-data

1.   Filwaqt li jżommu piż proporzjonat tal-ġbir u r-rappurtar tad-data, l-Istati Membri jew l-entità li lilha jkunu ddelegaw dan il-kompitu għandhom jikkompilaw id-data u l-informazzjoni kollha speċifikati f'dan ir-Regolament mill-bidu tal- 2011 u wara kullsentejn.

Fl- 2011 għandhom jinnotifikaw id-data aggregata u l-informazzjoni rilevanti għall-proġett lill-Kummissjoni, fejn dik is-sena tkun l-ewwel sena ta' rappurtar, u wara kull sentejn.

L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom għandhom jinnotifikaw id-data aggregata u l-informazzjoni rilevanti għall-proġett sal-31 ta' Lulju tas-sena ta' rappurtar konċernata.

2.   Il-Kummissjoni għandha teżenta lill-Istati Membri jew lill-entitajiet delegati tagħhom mill-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 fejn skont il-leġiżlazzjoni tal-UE speċifika għas-settur tal-enerġija:

(a)

l-Istat Membru konċernat jew l-entità delegata tiegħu diġà jkun/tkun innotifika/t id-data jew l-informazzjoni mitluba u indika/t id-data tan-notifika u l-leġiżlazzjoni speċifika konċernata;

(b)

korp speċifiku jkun inkarigat bit-tħejjija ta' pjan ta' investiment multiannwali fl-infrastruttura tal-enerġija fil-livell tal-UE u għal dan il-għan jikkompila data u informazzjoni ekwivalenti; f'dan il-każ, il-korp speċifiku għandu jinnotifika d-data u l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Kummissjoni fil-limiti taż-żmien stipulati fil-paragrafu 1.

Artikolu 4

Sorsi tad-data

1.   L-impriżi konċernati għandhom jinnotifikaw id-data jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 lill-Istati Membri, jew lill-entità delegata, fejn qed jippjanaw li jwettqu proġetti ta' investiment fit-territorju tagħhom qabel il-31 ta' Mejju ta' kull sena ta' rappurtar. Id-data jew l-informazzjoni nnotifikata għandha tirrifletti s-sitwazzjoni tal-proġetti ta' investiment sal-31 ta' Marzu tas-sena ta' rappurtar konċernata.

Madankollu, is-subparagrafu 1 ma għandux japplika għall-impriżi fejn l-Istat Membru konċernat jiddeċiedi li juża mezzi oħra biex jipprovdi lill-Kummissjoni bid-data jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 sakemm id-data jew informazzjoni mogħtija tkun kumparabbli u ekwivalenti .

2.   L-Istati Membri għandhom jevitaw kwalunkwe ripetizzjoni tal-ġbir tad-data li diġà huwa meħtieġ fuq il-bażi ta' leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, u għandhom inaqqsu kemm jista' jkun l-ispejjeż għall-impriżi.

Artikolu 5

Kontenut tan-notifika

1.   Fir-rigward tal-proġetti ta' investiment imsemmija fl-Anness, in-notifika prevista fl-Artikolu 3 għandha tindika fejn xieraq:

(a)

il- volum tal- kapaċitajiet ippjanati jew li qegħdin jinbnew;

(b)

il-post, l-isem, it-tip u l-karatterisitiċi ewlenin tal-infrastruttura jew tal-kapaċitajiet ippjanati jew li qegħdin jinbnew, b'dettalji dwar liema minnhom jinsabu fi stadju ta' ppjanar u liema qegħdin jinbnew ;

(c)

id-data meta l-awtoritajiet rilevanti jirċievu l-awtorizzazjoni u d-data stmata sa meta se jkunu ngħataw l-awtorizzazzjonijiet u l-permessi tal-kostruzzjoni meħtieġa;

(d)

id-data probabbli tal-kummissjonar;

(e)

it-tip ta' sorsi ta' enerġija użat;

(f)

it-teknoloġiji ta' interess għal skopijiet ta' sigurtà tal-provvista, bħal pereżempju flussi opposti, kapaċitajiet li jaqilbu minn fjuwil għall-ieħor jew kwalunkwe tagħmir ieħor rilevanti;

(g)

it-tagħmir tas-sistemi tal-qbid tal-karbonju jew mekkaniżmi ta' stallazzjoni;

(h)

l-indisponibilità temporanja jew interruzzjoni tat-tħaddim ta' infrastruttura għal perjodu ta' aktar minn tliet snin.

2.   Fir-rigward ta' kwalunkwe dekummissjonar propost ta' kapaċitajiet, in-notifika pprovduta fl-Artikolu 3 għandha tindika:

(a)

in-natura u l-kapaċità tal-infrastruttura konċernata;

(b)

id-data probabbli tad-dekummissjonar inkluż, fejn hu applikabbli, dati intermedjarji għall-eliminazzjoni gradwali tat-tħaddim tal-infrastruttura ;

(c)

il-lista ta' miżuri ppjanati għar-rijabilitazzjoni ambjentali, meta rijabilitazzjoni ta' dan it-tip tkun meħtieġa mil-leġiżlazzjoni speċifika.

3.   Kwalunkwe notifika skont l-Artikolu 3 għandha tinkludi l-volum tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni, tat-trasport u tal-ħżin stallati fil-bidu tas-sena ta' rappurtar konċernata.

Fejn l -Istati Membri, jkollhom fil-pussess tagħhom kwalunkwe informazzjon dwar dewmien u/jew ostakoli għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta' investiment, l-entitajiet delegati tagħhom jew il-korp speċifiku msemmi fl-Artikolu 3(2) għandhom jinkludu din l-informazzjoni fin-notifika.

Artikolu 6

Kwalità u pubbliċità tad-data

1.   L-Istati Membri, l-entità li lilha jkunu ddelegaw jew fejn xieraq il-korpi speċifiċi inkarigati bil-pjanijiet ta' investiment tal-UE speċifiċi għas-settur tal-enerġija għandhom jiżguraw il-kwalità, ir-rilevanza, l-akkuratezza, iċ-ċarezza, il-puntwalità u l-koerenza tad-data u l-informazzjoni li jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Jekk l-informazzjoni ma tkunx ċara jew komprensiva biżżejjed, il-Kummissjoni tista' teżiġi li dawk il-korpi jipprovdu informazzjoni addizzjonali.

F'każ ta' korpi speċifiċi inkarigati bil-pjanijiet ta' investiment tal-UE speċifiċi għas-settur tal-enerġija, id-data u l-informazzjoni nnotifikati għandhom ikunu akkumpanjati b'kummenti mill-Istati Membri dwar il-kwalità u r-rilevanza tad-data u l-informazzjoni miġbura.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika data aggregata u informazzjoni skont dan ir-Regolament, b'mod partikolari fl-analiżijiet imsemmija fl-Artikolu 10(3), sakemm id-data u l-informazzjoni jiġu ppubblikati f'forma aggregata fil-livell nazzjonali jew reġjonali (b'mod partikolari fejn ikun hemm impriża waħda biss fi Stat Membru) u sakemm l-ebda dettall rigward l-impriżi ma jinkixef jew ma jkun jista' jiġi inferit .

Pubblikazzjoni bħal din għandha ssir mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni rilevanti nazzjonali u tal-UE dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni, b'mod partikolari l-informazzjoni ambjentali, l-informazzjoni dwar kumpanniji elenkati pubblikament jew l-informazzjoni dwar il-finanzjament pubbliku ta' proġetti ta' investiment.

L-Istati Membri jew l-entitajiet delegati tagħhom u l-Kummissjoni għandhom ikunu responsabbli għall-ħarsien l-kunfidenzjalità ta' data u informazzjoni sensittivi mil-lat kummerċjali li jkunu fil-pussess tagħhom .

Artikolu 7

Miżuri ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Miżuri tali għandhom jinkludu b'mod partikolari mal-metodoloġiji ta' kalkolu li għandhom jintużaw, id-definizzjonijiet tekniċi, il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifika tad-data u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3, inkluża l-applikazzjoni tal-eżenzjoni skont l-Artikolu 3(2), u b'mod partikulari dispożizzjonijiet dwar l-iskeda tal-ħin u l-kontenut tan-notifiki u l-entitajiet li huma suġġetti għall-obbligi ta' rappurtar .

Artikolu 8

Ipproċessar tad-data

1.    Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli f'dak li għandu x'jaqsam mal-ippjanar, għall-iżvilupp, l-ilqugħ, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tar-riżorsi tal-IT meħtieġa biex jiġi riċevut, jinħażen u jitwettaq kwalunkwe pproċessar tad-data jew informazzjoni dwar l-infrastruttura tal-enerġija nnotifikati lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

2.     Il-Kummissjoni għandha wkoll tiżgura li r-riżorsi tal-IT meħtieġa għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tad-data jew tal-informazzjoni nnotifikati lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni u, b'mod partikolari, ma jbiddilx l-obbligi tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-ipproċessar tad-data personali, kif stipulat bid-Direttiva 95/46/KE, jew l-obbligi li huma d-dmir tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tad-data personali li huma jipproċessaw tul it-twettiq ta' ħidmiethom.

Artikolu 10

Monitoraġġ u rappurtar

1.   Abbażi tad-data u l-informazzjoni mibgħuta u, jekk ikun xieraq, ta' kwalunkwe sors ta' data ieħor inkluż ix-xiri tad-data mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tal-anqas kull sentejn analiżi transsettorjali tal-evoluzzjoni strutturali u l-perspettivi tas-sistema tal-enerġija tal-UE b'mod partikolari bil-għan li:

(a)

tidentifika nuqqasijiet u/jew surplus futuri potenzjali ta' domanda u provvista tal-enerġija b'enfasi speċjali fuq id-defiċjenzi u d-difetti potenzjali fl-infrastruttura tal-produzzjoni u tat-trażmissjoni, b'mod partikolari dawk dovuti għall-fatt li l-infrastruttura tkun qdiemet ;

(b)

tidentifika l-evoluzzjoni tal-proġetti ta' investiment mid-data tan-notifika sal-implimentazzjoni, u b'mod partikolari l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli, filwaqt li tippromwovi l-aqwa prattiki biex ikunu indirizzati l-ostakli identifikati ;

(c)

iżżid it-trasparenza għall-parteċipanti fis-suq u għall-operaturi ġodda potenzjali ;

(d)

timmonitorja l-proġetti ta' investiment tal-UE f'pajjiżi terzi li jkollhom impatt fuq is-suq u s-sigurtà tal-enerġija tal-UE;

(e)

tidentifika r-riskju ta' dipendenza eċċessiva fuq infrastruttura waħda tal-enerġija, kif ukoll ir-riskji marbuta ma' konnessjonijiet ma' pajjiżi terzi;

(f)

tidentifika l-ħtiġijiet tal-investmenti għat-titjib tal-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija (pereżempju flussi inversi u interkonnetturi).

Il-Kummissjoni tista' tipprovdi wkoll abbażi ta' din id-data u l-informazzjoni kwalunkwe analiżi speċifika meqjusa meħtieġa u xierqa.

2.   Fit-tħejjija tal-analiżijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mal-korpi speċifiċi fdati bil-pjanijiet ta' investiment tal-UE għas-settur tal-enerġija u tista' tiġi megħjuna minn esperti mill-Istati Membri u/jew kwalunkwe espert grupp jew assoċjazzjoni oħra b' kompetenza speċifika fil-qasam konċernat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddiskuti l-analiżijiet mal-partijiet interessati. Għandha tibgħat l-analiżijiet imwettqa lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tippubblikahom.

4.     Il-Kummissjoni għandha, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-koerenza bejn id-diversi pubblikazzjonijiet relatati mal-monitoraġġ, tqis il-pjanijiet plurijennali ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija mfassla mill-korpi speċifiċi.

Artikolu 11

Reviżjoni

1.    Fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-implimentazzjoni tiegħu.

2.     Sabiex titjieb il-kwalità tad-data, il-Kummissjoni, fit-twettiq tar-reviżjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha teżamina, jekk ikun xieraq, il-limiti minimi stabbiliti fl-Anness, u tista' titlob lill-Istati Membri jispeċifikaw il-karatteristiċi prinċipali tal-infrastruttura jew tal-kapaċitajiet ippjanati jew li jkunu qed jinbnew.

Artikolu 12

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 736/96 huwa b' dan irrevokat.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2010.

(2)   ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(3)   ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

(4)   ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94.

(5)   ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.

(6)   ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(7)   ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(10)   ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.

(11)   ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

(12)  ĠU L 102, 25.4.1996, p. 1.

Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010
ANNESS

PROĠETTI TA' INVESTIMENT

1.   ŻEJT

1.1.     Produzzjoni

Stallazzjonijiet ta' estrazzjoni b'kapaċità ta' mill-inqas 20 000 bbl kuljum.

1.2.   Raffinar

Impjanti tad-distillazzjoni b'kapaċità ta' mhux anqas minn miljun tunnellata fis-sena;

Estensjoni tal-kapaċità tad-distillar għal aktar minn miljun tunnellata fis-sena;

Impjanti ta' cracking/iffurmar mill-ġdid b'kapaċità minima ta' 500 tunnellata kuljum;

Impjanti ta' desulfurizzazzjoni għal residwi ta' żejt tal-fjuwil/gas oil/materja prima/prodotti oħra tal-pitrolju.

Impjanti kimiċi li ma jipproduċux żejt tal-fjuwil u/jew fjuwil tal-magni, jew li jipproduċuhom biss bħala prodotti sekondarji, huma esklużi.

1.3.   Trasport

Sistemi ta' pajpijiet taż-żejt mhux raffinat b'kapaċità ta' mhux anqas minn 3 miljun tunnellata metrika fis-sena u l-estensjoni jew it-titwil ta' dawn is-sistemi ta' pajpijiet, li huma twal tal-anqas 30 kilometru;

Sistemi ta' pajpijiet tal-prodotti tal-pitrolju b'kapaċità ta' mhux anqas minn 1,5 miljun tunnellata fis-sena, u l-estensjoni jew it-titwil ta' dawn is-sistemi ta' pajpijiet, li huma twal tal-anqas 30 kilometru;

Sistemi ta' pajpijiet li jikkostitwixxu konnessjonijiet essenzjali f'networks ta' interkonnessjoni nazzjonali jew internazzjonali u sistemi ta' pajpijiet u proġetti ta' interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 171 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sistemi ta' pajpijiet għal skopijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-punt 1.2 huma esklużi.

1.4.   Ħzin

Stallazzjonijiet ta' ħżin għaż-żejt mhux raffinat u prodotti tal-pitrolju (stallazzjonijiet b'kapaċità ta' 150 miljun m3 jew aktar jew, f'każ ta' tankijiet, b'kapaċità ta' mhux anqas minn 100 000 m3).

Tankijiet maħsuba għal skopijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-punt 1.2 huma esklużi.

2.   GASS

2.1.     Produzzjoni

Stallazzjonijiet ta' estrazzjoni b'kapaċità ta' mill-inqas 0,1 miljun ċentimetru kuljum.

2.2.   Trasport

Gass, inklużi gass naturali u bijogass, sistemi ta' pajpijiet għat-trasport tal-gass;

Sistemi ta' pajpijiet li jikkostitwixxu ħolqiet essenzjali fin-networks u fis-sistemi ta' pajpijiet interkonnessi nazzjonali jew internazzjonali u proġetti ta' interess komuni identifikati fil-linji gwida skont l-Artikolu 171 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-proġetti msemmija fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 663/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi programm li jgħin l-irkupru ekonomiku permezz tal-għoti ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja għal proġetti fil-qasam tal-enerġija (1) .

2.3.   ▐ LNG

Terminals għall-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-gass naturali likwifikat;

Kapaċitajiet għar-rigassifikazzjoni u l-ħżin u l-likwifazzjoni.

2.4.   Ħzin

Stallazzjonijiet tal-ħżin imqabbda mas-sistemi ta' pajpijiet imsemmija fil-punt 2.2;

Software u hardware tal-IT li jissorvelja u jirrappurta f’ħin reali l-istokkijiet tal-gass, lill-aġenziji kompetenti tal-UE .

Sistemi ta' pajpijiet tal-gass, terminals u stallazzjonijiet għal skopijiet militari u dawk li jfornu lill-impjanti kimiċi li ma jipproduċux prodotti tal-enerġija, jew li jipproduċuhom biss bħala prodotti sekondarji, huma esklużi.

3.     FAĦAM, LIGNITE U BLAT ŻEJTNI

3.1.     Produzzjoni

Minjieri fil-wiċċ tal-art ġodda jew estiżi bi produzzjoni annwali ta' mhux inqas minn miljun tunnellata ;

Minjieri fil-fond ġodda jew estiżi bi produzzjoni annwali ta' mhux inqas minn miljun tunnellata.

4.   ELETTRIKU

4.1.   Produzzjoni

Impjanti tal-enerġija termali u nukleari (ġeneraturi b'kapaċità ta' 100 MW jew aktar għal kull unità);

Impjanti tal-enerġija idroelettrika (impjanti tal-enerġija b'kapaċità ta' 30 MW jew aktar);

Farms tal-enerġija mir-riħ (b'kapaċità ta' 20 MW jew aktar għall-farms 'il barra mix-xtut jew b'kapaċità ta' 5 MW jew aktar għall-farms fuq ix-xtut);

Stallazzjonijiet li jużaw l-enerġija termali mix-xemx u l-enerġija ġeotermali ▐ (ġeneraturi b'kapaċità ta' 10 MW jew aktar għal kull unità) u dik fotovoltajka; (b’kapaċità ta' 5 MW jew aktar) ;

Stallazzjonijiet ta' ġenerazzjoni tal-enerġija mill-bijomassa/ bijolikwidi/ skart (ġeneraturi b'kapaċità ta' 5 MW jew aktar għal kull unità);

Impjanti tal-enerġija b'koġenereazzjoni ta' elettriku u sħana utli (unitajiet b'kapaċità elettrika ta' 10 MW jew aktar għal kull unità);

Stallazzjonijiet deċentralizzati għall-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli li huma konnessi ma' network tal-elettriku jew li jibbenefikaw minn kuntratt għax-xiri ma' impriża b’kapaċità totali ta' produzzjoni ta' aktar minn 10 MW.

4.2.   Trasport

Linji tat-trażmissjoni 'l fuq mil-livell tat-triq, jekk dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta' 100 kV jew aktar;

Kejbils ta' taħt l-art jew ta' taħt il-baħar, jekk dawn ikunu ġew iddisinjati għal vultaġġ ta' 100 kV jew aktar;

Proġetti ta' interess komuni identifikati fil-linji gwida stabbiliti skont l-Artikolu 171 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u proġetti msemmija fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 663/2009 ;

Networks ta' tisħin distrettwali b’dijametru ta' 300 mm jew aktar.

4.3.     Ħżin

Faċilitajiet ta' ħżin tal-elettriku.

5.   BIJOFJUWIL

5.1.   Produzzjoni

Stallazzjonijiet tal-produzzjoni tal-bijofjuwil (raffinerija b'kapaċità ta' 50 000 tunnellata/sena jew aktar).

6.   DIOSSIDU TAL-KARBONJU

6.1.   Trasport

Sistemi ta' pajpijiet tas-CO2 relatati mal-produzzjoni tal-istallazzjonijiet imsemmija fil-punti 1.2 u 4.1.

6.2.   Ħżin

Din it-taqsima tapplika wkoll għal proġetti ta' ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju previst fir-Regolament (KE) Nru 663/2009.

Stallazzjonijiet tal-ħżin (sit tal-ħżin jew kumpless b'kapaċità ta' 100 kt jew aktar).

L-istallazzjonijiet tal-ħżin maħsuba għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku huma esklużi.


(1)   ĠU L 200, 31.7.2009, p. 31.


21.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 348/50


Il-Ħamis 25 ta’ Frar 2010
L-emendar tal-Estimi tal-Parlament għall-baġit 2010

P7_TA(2010)0038

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2010 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq għall-Baġit ta' Emenda 1/2010 (Taqsima I, Il-Parlament Ewropew) (2010/2014(BUD))

2010/C 348 E/07

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 314 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2),

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja soda (3) (IIA), u b’mod partikulari l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) previst fil-Parti I tiegħu u stabbilit fl-Anness I tiegħu,

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau dwar it-tfassil tal-abbozz preliminari tal-estimi għall-baġit ta' emenda 2010,

wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi għal baġit ta' emenda bħal dan imfassal mill-Bureau fl-14 ta' Diċembru 2009 skont l-Artikoli 23(6) u 79(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mfassal mill-Kumitat tal-Baġits fis-27 ta' Jannar 2009 skont l-Artikolu 79(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

wara li kkunsidra l-Artikolu 79 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0017/2010),

A.

billi matul il-proċedura baġitarja 2010, kien hemm qbil, li kull nefqa marbuta speċifikament mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropew u t-Trattat li jistbabbilixxi l-Komunita Ewropea għandha tiġi indirizzata, jekk meħtieġ, permezz tal-istrumenti baġitarji eżistenti, bħall-baġit ta' emenda, wara l-adozzjoni tal-baġit oriġinali 2010,

B.

billi ġie enfasizzat li, f'każ bħal dan u fil-limiti massimi possibbli, jeħtieġ li tiġi eżaminata bis-sħiħ ir-riorganizzazzjoni tar-riżorsi eżistenti qabel ma ssir kwalunkwe talba għal riżorsi addizzjonali,

C.

billi ġie partikolarment enfasizzat li l-livell oriġinali adottat tal-baġit tiegħu li ammonta għal 19,87 % tan-nefqa awtorizzata taħt l-intestatura 5 (approprjazzjonijet amministrattivi) tal- Qafas Finanzjarju Plurijennali ma nkuda ebda adattazzjoni possibbli fid-dawl tat-Trattat ta' Lisbona, partikolarment fil-qasam leġiżlattiv,

D.

billi, fl-istess ħin, ġie rikonoxxut li, minħabba l-marġni limitati disponibbli, se jkun meħtieġ aktar iffrankar u użu mill-ġdid tal-flus biex ikun possibbli li jkunu ssodisfati ħtiġijiet addizzjonali,

1.

Jilqa’ l-proposta tal-Bureau għal baġit ta' emenda 2010 dwar il-baġit tal-Parlament Ewropew (taqsima 1 tal-baġit ġenerali tal-Unjoni) u jfakkar li dan huwa konformi bis-sħiħ mal-ftehim li kull ħtieġa addizzjonali wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona se tiġi indirizzata separatament permezz ta' strumenti baġitarji eżistenti;

2.

Jenfasizza l-eċċellenza leġiżlattiva bħala l-prijorità tal-Parlament u l-ħtieġa li l-Membri, il-kumitati u l-gruppi politiċi jiġu provduti bil-mezzi meħtieġa sabiex jilħquha; Jaqbel mad-direzzjoni ġenerali tal-proposta tal-Bureau u mal-prijoritajiet għat-tisħiħ propost; iqis, apparti dan, li l-kobor ġenerali tal-proposta huwa ġustifikat meta jitqiesu l-ġustifikazzjonijiet mogħtija u l-isfidi l-ġodda li ġejjin;

3.

Jitlob, fid-dawl tal-impatt finanzjarju multiannwali li huwa mistenni minn dawn il-proposti u minn proposti oħra possibbli relatati mat-Trattat ta' Lisbona, li ssir evalwazzjoni tal-użu tal-allokazzjoni għall-assistenza segretarjali;

4.

Jinnota li l-livell ġenerali tal-baġit kif propost mill-Burearu għandu jammonta għal EUR 1 620 760 399, li jirrappreżenta 20,04 % tal-intestatura 5 oriġinali; jinnota, meta jitqies il-kuntest ta' fuq u l-volum totali tal-baġit, li l-limitu awtoimpost ta' 20 % li ilu jeżisti inqabeż b’0,04 punti perċentwali jew EUR 3,2 miljun fil-proposta tal-Bureau;

5.

Iqis li r-refernza globali għall-baġit tiegħu għandha tkompli tibqa' l-ipprogrammar multiannwali oriġinali tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali sabiex ikun żgurat li l-interessi tiegħu jkunu salvagwardjati filwaqt li fl-istess ħin tinżamm id-dixxiplina baġitarja;

6.

Iqis li l-bażi kurrenti ta' 20 % għall-intestatura 5 issa hija iktar restrittiva meta din titqabbel mas-sitwazzjoni preċedenti peress li din se jkollha tkopri l-infiq mhux previst fid-dikjarazzjoni awtoimposta tal-1988; ifakkar li mill-2006 l-Parlament daħħal l-infiq bħall-Istatut tal-Membri (li ġġenera ffrankar għall-Istati Membri), l-Istatut tal-Assistenti, infiq relatat mar-rwol il-ġdid tiegħu wara t-Trattat ta' Lisbona kif wkoll politika dwar l-estensjoni tal-bini ħalli dan ikun jista’jakkomoda l-ħtiġijiet globali tiegħu, inkluż it-tkabbir;

7.

Iqis li, fuq il-bażi tar-referenzi oriġinali tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali, li ġew innegozjati fl-2006 u li daħlu fis-seħħ fl-2007, l-infiq tiegħu għandu jibqa' fil-limitu tradizzjonali ta' 20 % bħala referenza indikattiva;

8.

Iqis li, minn volum totali ta' aktar minn EUR 1 600 000 000, għandu jkun possibbli li ma jinqabiżx l-20 % (i.e. sa 19,99 %) filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ l-bżonnijiet addizzjonali stipulati fil-proposta tal-Bureau; jinnota li dan għandu jfisser tnaqqis mill-baġit ġenerali ta' EUR 4 miljuni;

9.

Jiddeċiedi li jagħmel aġġustament, mingħajr ma jintmissu l-elementi li jinsabu fil-proposta tal-Bureau, billi jitnaqqsu r-riżervi tal-binjiet minn EUR 15-il miljun għal EUR 11-il miljun; jinnota li dan se jwassal il-livell ġenerali tal-baġit għal EUR 1 616 760 399 li jirrappreżenta 19,99 % tal-intestatura 5; jinsisti dwar il-ħtieġa ta' ppjanar fuq żmien fit-tul tal-politika tiegħu dwar il-binjiet;

10.

Jenfasizza li jridu jittieħdu azzjonijiet li jkollhom l-għan li tiġi żgurata s-sostenibilità baġitarja fis-snin li ġejjin; jafferma mill-ġdid l-importanza li titfassal politika baġitarja li jkollha bażi żero li tiżgura li jkun hemm aktar rigorożità u trasparenza; jitlob informazzjoni ċara, kemm jista’ jkun malajr, dwar l-ammont totali ta' nfiq fiss fil-baġit tal-Parlament, kif imsemmi fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2009 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2010 (4);

11.

Jadotta l-abbozz tal-estimi għall-Baġit ta' Emenda Nru 1/2010;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2009)0052.