ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.347.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 347

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
18 ta' Diċembru 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-460 sessjoni plenarja fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010

2010/C 347/01

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Tqabbil ta’ ħiliet mal-ħtiġijiet tal-industrija u s-servizzi li qed jgħaddu minn tibdil – B’liema mod it-twaqqif ta’ kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet f’livell Ewropew jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan? (opinjoni esploratorja)

1

2010/C 347/02

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Aġenda ta’ Lisbona u s-Suq Intern (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

8

2010/C 347/03

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-integrazzjoni u l-Aġenda Soċjali (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

19

2010/C 347/04

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-impatt tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi (ir-reġjun tal-Karibew) (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

28

2010/C 347/05

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-istrateġija tal-ġejjieni għall-industrija tal-ħalib għall-perijodu 2010-2015 u wara (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

34

2010/C 347/06

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-Agrikoltura fis-Sħubija Ewro-Mediterranja (inkluża l-importanza tax-xogħol li jagħmlu n-nisa fis-settur agrikolu u r-rwol tal-kooperattivi) (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

41

2010/C 347/07

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-promozzjoni tal-aspetti soċjoekonomiċi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

48

2010/C 347/08

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Marokk (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

55

 

III   Atti preparatorji

 

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

 

L-460 sessjoni plenarja fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010

2010/C 347/09

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidaliCOM(2009) 267 finali – 2009/0076 (COD)

62

2010/C 347/10

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarrCOM(2009) 482 finali – 2009/0131 (COD)

68

2010/C 347/11

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-koperazzjoni amministrattiva ul-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Riformulazzjoni) COM(2009) 427 fin – 2009/0118 (CNS)

73

2010/C 347/12

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolatCOM(2009) 491 finali – 2009/0132 (COD)

79

2010/C 347/13

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Analiżi tal-politika ambjentali tal-2008COM(2009) 304 finali

84

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-460 sessjoni plenarja fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010

18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/1


L-460 SESSJONI PLENARJA FIS-17 U T-18 TA’ FRAR 2010

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Tqabbil ta’ ħiliet mal-ħtiġijiet tal-industrija u s-servizzi li qed jgħaddu minn tibdil – B’liema mod it-twaqqif ta’ kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet f’livell Ewropew jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan?”

(opinjoni esploratorja)

(2010/C 347/01)

Relatur: is-Sur KRZAKLEWSKI

Korelatur: is-Sur SZÜCS

Fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2009, u skont l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Margot Wallström, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, talbet lill-KESE biex ifassal opinjoni esploratorja dwar:

Tqabbil ta’ ħiliet mal-ħtiġijiet tal-industrija u s-servizzi li qed jgħaddu minn tibdil – B’liema mod it-twaqqif ta’ kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet f’livell Ewropew jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan?

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, li kienet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fl-4 ta’ Frar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’149 vot favur, 6 voti kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jinnota b’interess kbir id-dettalji tal-idea li jitwaqqfu kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet f’livell Ewropew. Fil-fehma tal-Kumitat, kunsilli settorjali organizzati u mmexxija tajjeb, li jinvolvu diversi partijiet interessati, għandhom jipprovdu għajnuna kruċjali fil-proċess tal-kontroll tal-bidliet settorjali u, b’mod partikulari, jantiċipaw l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-ħtiġijiet għall-impjiegi u l-ħiliet u l-adattament tal-ħiliet għall-provvista u d-domanda.

1.2   Il-Kumitat huwa konvint li l-kunsilli settorjali Ewropej (KSE) jistgħu jappoġġjaw il-ġestjoni ta’ bidliet settorjali u jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-inizjattiva “ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda” u jistgħu jkunu utli meta jittieħdu deċiżjonijiet li jikkonċernaw bidliet settorjali fil-livell Ewropew.

1.3   Wara l-analiżi tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi li tqiesu fi studju ta’ fattibbiltà tal-għażliet politiċi għall-għamliet diversi ta’ kunsilli, il-Kumitat jagħżel li jappoġġja l-kunċett ta’ kunsilli settorjali ibbażati fuq id-djalogu soċjali Ewropew. Il-kunsilli settorjali jistgħu jibbenefikaw b’mod sostanzjali minn kuntatt (skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni) mal-istrutturi tad-djalogu soċjali Ewropew settorjali (ESD – European Social Dialogue) u l-attivitajiet politiċi tagħhom.

Fil-fehma tal-Kumitat, l-attivitajiet tal-kumitati Ewropej għad-djalogu soċjali settorjali (ESSDCs) jistgħu jservu ta’ mudell ta’ prattika għall-KSE.

1.4.1   Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-KSE għandhom ambitu usa’, f’termini tan-numru ta’ partijiet interessati li jifformawhom, u għandhom rwol iktar indipendenti mill-ESSDCs, fejn jiffokaw iktar fuq il-ħiliet u s-suq tax-xogħol milli fuq id-djalogu soċjali.

1.4.2   Il-Kumitat jemmen li dawk is-setturi mingħajr strutturi ta’ KSE għandu jkollhom ukoll l-opportunità li jwaqqfu KSE. KSE ġdid jista’ mbagħad iservi ta’ bażi għall-ħolqien ta’ ESSDC ġdid.

1.5   Il-Kumitat jemmen li l-KSE futuri għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u b’mod regolari mal-kontropartijiet nazzjonali tagħhom. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-KSE għandhom jappoġġjaw it-twaqqif ta’ kunsilli nazzjonali, fejn dawn ma jeżistux, billi jagħtu konsulenza u eżempji tal-aqwa prattika.

1.6   Il-Kumitat jemmen li, barra mill-appoġġ tal-ġestjoni ta’ bidliet settorjali, il-ħidmiet l-iktar importanti li l-KSE jistgħu jwettqu jkunu:

l-analiżi tax-xejriet kwantitattivi u kwalitattivi tas-suq tax-xogħol fis-settur speċifiku;

li jagħmlu rakkomandazzjonijiet biex jimlew u jeliminaw il-lakuni kwalitattivi u kwantitattivi fis-suq tax-xogħol u jimplimentaw programmi u miżuri sabiex dan il-għan jintlaħaq;

l-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn in-negozji u l-fornituri VET (1).

1.7   Il-Kumitat jemmen li biex l-KSE jaħdmu b’mod effettiv huwa importanti li:

jikkostitwixxu pjattaforma li għandha tinkludi l-imsieħba soċjali, l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet edukattivi u tat-taħriġ, l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-awtoritajiet pubbliċi, l-assoċjazzjonijiet professjonali u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali (VET) u taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali inizjali (IVET);

ikollhom mira settorjali, jiġifieri li jikkonċentraw fuq is-setturi f’sens wiesa’ u jistgħu jittrattaw impjiegi speċifiċi għal ċerti setturi;

għandhom iqisu l-bidliet dinamiċi fl-ambitu tas-setturi u l-ħolqien ta’ setturi ġodda;

jassiguraw li rappreżentanti ta’ dawk li jħaddmu u tal-ħaddiema jipparteċipaw fil-ġestjoni, u fejn ikun adatt, iħarrġu lill-organizzaturi u lill-awtoritajiet politiċi wkoll;

ikollhom sħubija strateġika b’saħħitha, li jfisser li jinbnew relazzjonijiet ma’ skejjel sekondarji, istituzzjonijiet li jipprovdu servizzi ta’ taħriġ vokazzjonali għal dawk li jħallu l-iskola, stabbilimenti għall-edukazzjoni ogħla, negozji, u ma’ kunsilli settorjali u awtoritajiet reġjonali;

japplikaw strateġiji ta’ xogħol tajbin u produttivi, billi jiffokaw fuq realtajiet industrijali u ħtiġijiet urġenti, bħall-ħtieġa għal tagħrif dwar is-suq tax-xogħol u modi kif jiġu attratti u jinżammu l-ħaddiema fis-settur, waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-SMEs;

l-ewwel nett, iqisu s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol minn perspettiva Ewropea;

iħeġġu l-iżvilupp ta’ approċċ li juża metodoloġija komuni bbażata fuq il-ħidmiet (riżultati) li jintużaw fin-negozji, sabiex jitħejja rekord tal-verifiki ċar minn dak li jseħħ fil-postijiet tax-xogħol permezz tat-taħriġ, l-edukazzjoni u l-kwalifiki finali.

1.8   Bil-għan li jissaħħaħ l-impatt tal-kunsilli tal-KSE fuq bidliet settorjali, il-Kumitat jipproponi li għandha tingħata konsiderazzjoni li l-edukazzjoni titkompla fil-livelli kollha, u b’mod partikulari l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwu (CVET) – flimkien mal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali (IVET) – u għamliet oħra ta’ żvilupp u għarfien tal-ħiliet tul il-ħajja.

1.9   Il-Kumitat jipproponi li tingħata attenzjoni speċjali lil setturi b’elementi msejsa fis-sod fuq it-tagħrif, preferibbilment b’rabta ma’ aspetti bħal “l-ekonomija ekoloġika”.

It-twaqqif ta’ kunsilli settorjali għandu, fil-fehma tal-Kumitat, ikun ibbażat fuq il-kisbiet ta’ proċessi politiċi, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF), is-Sistema Ewropea għat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni tal-Kreditu (ECTS), is-Sistema Ewropea tal-Kreditu għat-Taħriġ u l-Edukazzjoni Vokazzjonali (ECVET), il-Qafas Ewropew ta’ Referenza għall-Assigurazzjoni tal-kwalità (EQARF) u l-Europass, u għandu jikkontribwixxi biex dawn jiżviluppaw aktar.

1.10.1   Bl-użu tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni bħala bażi, huwa importanti li wieħed jersaq lejn l-armonizzazzjoni tal-politika ta’ taħriġ kontinwu.

1.11   Il-Kumitat jappella biex l-KSE ippjanati jwettqu kooperazzjoni kontinwa mal-universitajiet u l-istabbilimenti ta’ edukazzjoni ogħla Ewropej, li għandu joħloq rabta bejn l-industrija u r-riċerka akkademika b’relazzjoni mat-taħriġ. Hawnhekk il-Forum għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji wera l-benefiċċji ta’ kooperazzjoni għall-industrija u s-settur tal-edukazzjoni ogħla (2).

1.12   Waqt li jikkunsidra r-rabtiet bejn il-kunsilli settorjali Ewropej, fuq naħa, u l-Cedefoq u l-Eurofound, min-naħa l-oħra, il-Kumitat jinnota li għandu jitqies is-sostenn strutturali u dak imsejjes fuq it-tagħrif għax-xogħol ta’ kunsilli settorjali mill-Cedefop u l-Eurofound meta jkunu allokati l-kompiti ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan jesiġi mezzi addizzjonali sabiex dawn il-fondazzjonijiet jingħataw ir-riżorsi.

1.13   Il-Kumitat jixtieq jisħaq bil-qawwa fuq ir-rakkomandazzjoni li tgħid li l-kunsilli settorjali, kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq dak nazzjonali, għandhom jikkooperaw u anke joħolqu rabtiet mal-osservatorji tal-impjiegi u l-ħiliet u man-netwerks nazzjonali u Ewropej tagħhom. Dan jikkonċerna dawk il-kunsilli fejn l-istruttura interna tagħhom ma tinkludix osservatorji bħal dawn. Huwa rrakkomandat li fi Stati Membri fejn jitwaqqfu kunsilli settorjali, jingħata appoġġ għall-ħolqien ta’ osservatorji bħal dawn u l-kooperazzjoni tagħhom fin-netwerk ma’ osservatorji reġjonali fejn dawn ma jkunux jeżistu diġà.

Fir-rigward tal-fondi għall-proċess ta’ twaqqif tal-kunsilli settorjali u t-tħaddim tagħhom fil-livell Ewropew, il-Kumitat jemmen li għal dan il-għan għandhom ikunu allokati riżorsi mill-bidu tal-proċess tat-twaqqif tagħhom. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġu fornuti riżorsi għall-appoġġ tal-kunsilli u l-iżvilupp ta’ osservatorji tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet li jikkooperaw magħhom jew ikunu inkorporati fl-istruttura tagħhom.

1.14.1   Il-Kumitat jirrakkomanda li meta jkun qed jitfassal il-proġett pilota tal-KSE, il-Kummissjoni għandha, fil-bidu, tikkunsidra l-ħolqien ta’ numru limitat ta’ kunsilli, u mhux li jiġu stabbiliti kollha b’mod immedjat għal madwar 20 settur. Dan huwa marbut ma’ esiġenzi baġitarji. Ikun iktar faċli li jiġi żgurat il-finanzjament għat-twaqqif ta’ 4–5 kunsilli fis-sena. Din it-tip ta’ garanzija finanzjarja fuq medda medja ta’ żmien għall-proġett tal-KSE tidher li hija kwistjoni kritika.

1.15   Il-KESE jappella għal ġestjoni professjonali aħjar fl-innovazzjoni edukattiva. Huwa essenzjali li jsir titjib fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tal-UE sabiex tiżdied l-impjegabilità u titnaqqas l-inugwaljanza. Il-bidliet istituzzjonali fl-edukazzjoni bil-kemm jistgħu jżommu l-pass mal-ħtiġijiet tas-soċjetà. L-istituzzjonijiet għandhom iqisu l-ħtieġa għal relazzjoni mill-qrib bejn il-bidliet, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

1.16   Il-KESE jagħmel sejħa għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-ħajja reali, biex tkun eqreb tal-ħtiġijiet tal-pubbliku u tad-drawwiet ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ nies li qed jitħarrġu u jitgħallmu.

2.   Sfond għall-opinjoni esploratorja

Fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2009, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Margot Wallström, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex ifassal opinjoni esploratorja dwar “Tqabbil ta’ ħiliet mal-ħtiġijiet tal-industrija u s-servizzi li qed jgħaddu minn tibdil – B’liema mod it-twaqqif ta’ kunsilli settorjali għall-impjiegi u s-servizzi f’livell Ewropew jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan?”

2.1.1   L-ittra tirreferi għall-kriżi attwali u għall-miżuri li jistgħu jittieħdu fis-suq tax-xogħol biex dan ikun adattat għall-ħtiġijiet tal-produzzjoni u biex tiġi introdotta ġestjoni soċjali ikbar tal-bidliet fis-servizzi u l-industrija.

2.1.2   Skont il-Kummissjoni, biex din il-mira tintlaħaq, il-ħaddiema tal-lum u ta’ għada għandu jkollhom il-ħiliet li jeħtieġu n-negozji, sabiex ikunu jistgħu jadattaw ruħhom għat-tibdil. Dan kien is-suġġett tal-Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni bl-isem “Ħiliet ġodda għal Impjiegi ġodda” (COM(2008) 868 finali), li kellu l-għan li jidentifika u jevalwa l-ħtiġijiet tal-ħiliet għall-Ewropa minn issa sal-2020, u fl-UE tiżviluppa il-kapaċità li jiġu antiċipati u adattati l-ħiliet u l-impjiegi.

2.1.3   Nhar l-4 ta’ Novembru 2009 il-Kumitat adotta opinjoni dwar din il-Komunikazzjoni (3).

2.2   Wara l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni issa qed isir studju ta’ fattibbiltà, fuq talba tal-Kummissjoni, dwar jekk jistgħux jitwaqqfu kunsilli settorjali għall-impjiegi u l-ħiliet fil-livell Ewropew. Il-Kumitat kellu aċċess għal verżjoni provviżorja ta’ dan l-istudju meta kien qed ifassal din l-opinjoni (4).

3.   Xejriet u innovazzjonijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni Ewropea

a)   Ħtieġa għall-innovazzjoni fis-sistemi ta’ tagħlim

3.1   Biex nisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-forza tax-xogħol Ewropea, huwa essenzjali li jissaħħaħ il-kapital uman. Dan huwa importanti mil-lat tal-impjegabilità u l-impjiegi, il-kapaċità li nadattaw għat-tibdil – b’mod partikulari fil-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali – u wkoll għall-koeżjoni soċjali.

3.2   Il-ħtieġa li ċ-ċittadini jgawdu minn iktar mobilità fl-Ewropa hija għan importanti identifikat fit-Trattat ta’ Lisbona. Sabiex il-ħaddiema jgawdu mill-mobilità biex jaqbżu l-fruntieri u jimxu minn industrija għal oħra, min iħaddem irid ikun jista' jqabbel x’jaf jagħmel membru ġdid tal-persunal (riżultati) max-xogħol li jrid isir. Dan huwa l-prinċipju ewlieni wara t-talba tal-Kummissjoni – “Tqabbil ta’ ħiliet mal-ħtiġijiet tal-industrija”.

3.3   L-KSE li għandhom jitwaqqfu jridu jħeġġu l-iżvilupp ta’ approċċ li juża metodoloġija komuni bbażata fuq il-ħidmiet (riżultati) li jintużaw fin-negozji, sabiex jitħejja rekord tal-verifiki ċar minn dak li jseħħ fil-postijiet tax-xogħol permezz tat-taħriġ, l-edukazzjoni u l-kwalifiki finali.

3.4   Il-KESE jagħmel sejħa għal ġestjoni professjonali aħjar fl-innovazzjoni edukattiva. Huwa essenzjali li jsir titjib fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tal-UE sabiex tiżdied l-impjegabilità u titnaqqas l-inugwaljanza. Il-bidliet istituzzjonali fl-edukazzjoni bil-kemm jistgħu jżommu l-pass mal-ħtiġijiet tas-soċjetà. L-istituzzjonijiet għandhom iqisu l-ħtieġa għal relazzjoni mill-qrib bejn il-bidliet, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.5   L-innovazzjoni fl-edukazzjoni għandha rabtiet importanti mas-soċjetà tat-tagħrif u tal-informazzjoni. Għandhom jitqiesu għamliet ġodda ta’ tagħlim u għandha tingħatalhom importanza mill-istituzzjonijiet edukattivi. Metodi ġodda ta’ tagħlim, inklużi mudelli kollaborattivi appoġġjati mill-ICT, għandhom jiffaċilitaw il-koordinazzjoni bejn oqsma ta’ tagħlim tul l-ħajja – bħal tagħlim għall-kbar, edukazzjoni ogħla, edukazzjoni fl-iskola u tagħlim informali – u b’hekk titnaqqas il-firda istituzzjonali.

3.6   Hija ta’ importanza strateġika li tingħata importanza ikbar lit-tagħlim minn qabel u liċ-ċertifikazzjoni tiegħu, b’mod speċjali biex il-ħaddiema jiġu mmotivati jiksbu vantaġġ minn opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja. Sistemi ta’ akkreditazzjoni u kwalifiki vokazzjonali għandhom jintrabtu dejjem iktar mal-prestazzjonijiet fil-qasam tat-tagħlim, u l-ostakoli burokratiċi għandhom jitnaqqsu.

3.7   Il-politiki għandhom jintegraw tagħlim informali u mhux formali, billi jirrikonoxxu li t-tagħlim tul il-ħajja qed isir realtà, grazzi – fost l-oħrajn – għal tagħlim fuq netwerks diġitali u soċjali.

b)   L-isforzi lejn parteċipazzjoni iktar b’saħħitha tal-partijiet interessati

3.8   Il-proċess attwali ta’ globalizzazzjoni flimkien mal-bidliet mgħaġġla fit-teknoloġija qed joħolqu problemi marbutin ma’ differenzi f’ħiliet fil-forza tax-xogħol u l-ħtieġa ta’ integrazzjoni aħjar tal-edukazzjoni, it-taħriġ u x-xogħol. It-titjib fl-involviment ta’ kull parti interessata fit-tagħlim tul il-ħajja jista’ jikkontribwixxi għal kondizzjonijiet aħjar għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-innovazzjoni tas-sistema tat-tagħlim, biex jgħin fil-ġestjoni effettiva tal-portfolio li kulma jmur qed jinbidel tal-ħiliet u l-kompetenzi. It-tisħiħ tat-tagħrif, is-sensibilizzazzjoni u l-involviment tan-negozji f’dan il-proċess huwa essenzjali .

3.9   Dawk li jħaddmu għandhom jaċċettaw iktar li t-taħriġ tal-forza tax-xogħol mhux biss jgħin biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ekonomiċi reali iżda wkoll jappoġġja l-ħaddiema bħala għodda għat-tisħiħ tal-kapital uman fuq medda medja u twila ta’ żmien.

3.10   Jeħtieġ li tingħata iktar attenzjoni lill-valur tal-iżvilupp tal-ispirtu intraprenditorjali. Il-moviment ħieles tal-ħaddiema u t-tħeġġiġ tal-mobilità tal-forza tax-xogħol għandhom ikunu elementi iktar rikonoxxuti fil-promozzjoni tas-swieq tax-xogħol. Iktar informazzjoni u informazzjoni aħjar dwar is-swieq tax-xogħol, u x-xejriet u l-ħtiġijiet ta’ ħiliet tagħhom, għandhom ikunu disponibbli, flimkien ma’ gwida u servizzi ta’ appoġġ aħjar għal dawk li qed ifittxu impjieg.

c)   Edukazzjoni u taħriġ eqreb il-ħajja reali

3.11   Il-KESE jagħmel sejħa għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-ħajja reali, biex tkun eqreb tal-ħtiġijiet tal-pubbliku u d-drawwiet ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ nies li qed jitħarrġu u jitgħallmu. Għamliet innovattivi ta’ edukazzjoni għandhom jipprovdu opportunità għal investiment effettiv fl-edukazzjoni u jġibu l-opportunitajiet ta’ tagħlim eqreb l-intrapriżi.

3.12   Jeħtieġ li jkun hemm bidla minn forniment imsejjes fuq il-korsijiet għal prestazzjonijiet fil-qasam tat-tagħlim u l-kwalifiki vokazzjonali.

3.13   Ix-xogħol u t-taħriġ qed jiltaqgħu u jidħlu f’xulxin dejjem iżjed fis-soċjetà tal-għarfien. Kull għamla ta’ taħriġ fil-post tax-xogħol għandha għalhekk tiġi inkoraġġuta. It-tisħiħ tal-motivazzjoni individwali lejn it-tagħlim kif ukoll l-impenn tal-kumpaniji biex jimmotivaw lill-ħaddiema biex jitgħallmu għandhom ikunu prijoritajiet f’dan ir-rigward.

4.   Sfond għall-kunsilli settorjali u trasversali (5) f’livelli differenti

4.1   L-iskop ta’ kunsilli settorjali u trasversali (6) huwa li jingħata ħjiel dwar l-iżvilupp li probabbli jkun hemm tal-qagħda tal-ħtiġijiet ta’ impjiegi u ħiliet, sabiex ikun hemm kontribut fit-tfassil ta’ politika għal settur partikolari. Ix-xogħol tal-kunsilli jista’ jkun limitat għal analiżi, jew jista’ jinkludi wkoll l-adattament u l-implimentazzjoni ta’ politika.

4.2   Dawn il-kunsilli joperaw b’mod organizzat u kontinwu u jipprovdu wkoll pjattaforma għal bosta partijiet interessati li jkunu involuti fil-ġestjoni tal-kunsilli. Il-partijiet interessati ewlenin jinkludu korpi pubbliċi, istituzzjonijiet u awtoritajiet, l-imsieħba soċjali, istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ u istituti tar-riċerka.

Il-kunsilli settorjali jistgħu jkunu organizzati f’diversi livelli ġeografiċi. L-għan tagħhom huwa li jiġu studjati l-bidliet fid-domanda għall-ħiliet f’tip wieħed ta’ xogħol jew settur industrijali, jew grupp tagħhom li jkun definit b’mod ċar. F’xi każijiet il-kunsilli settorjali nazzjonali jista’ jkollhom fergħat reġjonali.

4.3.1   Fl-opinjoni tad-Dublin Foundation, il-livell reġjonali jew settorjali huwa kruċjali għall-kunċett tal-kunsilli. Il-fondazzjoni tenfasizza li l-kunsilli fil-livell nazzjonali u Ewropew għandhom jaġixxu f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà. Sabiex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bejn il-korpi li jiġġestjonaw il-kunsilli reġjonali/settorjali, huwa importanti li nipprovaw niksbu vantaġġ minn sinerġiji possibbli, pereżempju fir-rigward tal-monitoraġġ u r-riċerka akkademika.

4.4   Xi kunsilli fil-livell nazzjonali għandhom jittrattaw l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali (IVET) u oħrajn l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwu (CVET). F’xi pajjiżi jistgħu jittrattaw it-tnejn li huma, li jipproduċi effett ta’ sinerġija u jagħmel possibbli li tiġi evitata d-dupplikazzjoni.

4.5   Il-kunsilli analizzati fl-istudju ta’ fattibbiltà għandhom l-istess għan ġenerali: li jtejbu l-bilanċ fis-suq tax-xogħol bejn il-provvista u d-domanda f’termini kwantitattivi (postijiet ta’ impjieg) u kwalitattivi (ħiliet u kompetenzi). Iżda hemm xi differenzi fil-mod kif jinkiseb dan il-għan ġenerali, kif ukoll bejn dawk il-kunsilli li jikkonċentraw fuq l-IVET fuq naħa, u dawk li jieħdu ħsieb il-CVET min-naħa l-oħra (dan jikkonċerna l-pajjiżi fejn it-taħriġ jinqasam f’IVET u f’CVET).

4.6   Fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-objettiv ewlieni tal-kunsilli nazzjonali trasversali (transsettorjali) huwa l-identifikazzjoni, l-analiżi kwantitattiva u l-antiċipazzjoni ta’ xejriet fit-tul fis-suq tax-xogħol u li jitressqu proposti għal azzjoni bħala reazzjoni għal xejriet li qed jiżviluppaw.

4.7   F’ħafna każijiet il-kunsilli trasversali jiffokaw mhux biss fuq kwistjonijiet kwantitattivi imma wkoll fuq dawk kwalitattivi. Il-membri ta’ kunsilli bħal dawn, bħall-Kumitat Konsultattiv tad-Danimarka dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, jagħtu pariri lill-ministru tal-edukazzjoni, skont xejriet fis-suq tax-xogħol, mhux biss dwar kwistjonijiet relatati mad-definizzjoni ta’ ħiliet ġodda u t-twaħħid jew it-tneħħija ta’ kwalifiki eżistenti, iżda wkoll fuq aspetti ġenerali ta’ edukazzjoni vokazzjonali bħall-koordinazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ.

4.8   F’xi pajjiżi l-kunsilli reġjonali trasversali għandhom l-istess objettivi bħal dawk tal-kontropartijiet nazzjonali tagħhom. Huma jipprovdu lill-istituti ta’ riċerka b’data reġjonali li biha jkunu jistgħu joħorġu stima tal-għadd ta’ impjiegi għall-ġejjieni, u l-ħiliet meħtieġa. Huwa interessanti li wieħed jinnota li xi kunsilli reġjonali trasversali jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex iqabblu ħtiġijiet kwalitattivi għall-ġejjieni ma’ data kwantitattiva attwali dwar l-għadd ta’ żgħażagħ li qed jidħlu għall-IVET.

4.9   L-objettiv ewlieni tal-kunsilli settorjali nazzjonali relatati mal-IVET huwa li jiżguraw li ħaddiema ġodda li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol ikollhom il-ħiliet bażiċi adatti.

4.10   L-objettiv ewlieni tal-kunsilli settorjali nazzjonali relatati mat-taħriġ vokazzjonali kontinwu huwa li jgħollu l-livell tal-ħiliet ta’ dawk li diġà huma fis-suq tax-xogħol. Biex dan iseħħ il-kunsilli jiddefinixxu l-ħtiġijiet ta’ taħriġ għall-ħaddiema, u jew jipprovdu taħriġ huma stess jew inkella jħallsu għal korsijiet immexxijin minn nies esterni.

Il-kunsilli nazzjonali jew reġjonali huma differenti minn xulxin fil-kompiti li jwettqu. Dawn li ġejjin huma eżempji tal-kompiti mwettqa minn kunsilli settorjali u trasversali:

analiżi ta’ xejriet kwantitattivi fis-suq tax-xogħol;

analiżi ta’ xejriet kwalitattivi fis-suq tax-xogħol;

proposti ta’ politika li jindirizzaw nuqqasijiet kwantitattivi;

proposti ta’ politika li jagħmlu tajjeb għal nuqqasijiet kwalitattivi;

proposti ta’ aġġornament tal-proċess għall-kisba ta’ kwalifiki u ċertifikazzjoni;

promozzjoni ta’ kooperazzjoni bejn kumpaniji u dawk li jipprovdu l-VET;

implimentazzjoni (kwantitattiva u kwalitattiva) ta’ programmi u attivitajiet biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet.

4.11.1   Huma ftit dawk il-kunsilli settorjali fl-Istati Membri li jwettqu dawn il-kompiti kollha. Kważi l-kunsilli settorjali u trasversali kollha jwettqu analiżi ta’ xejriet kwantitattivi u kwalitattivi fis-suq tax-xogħol. Għadd kemmxejn iżgħar ta’ kunsilli settorjali u trasversali jħejju wkoll proposti ta’ politika. Il-maġġoranza tagħhom jagħmlu jew jikkummissjonaw ir-riċerka.

4.11.2   Huwa ħafna aktar komuni li l-kunsilli janalizzaw xejriet kwalitattivi fis-suq tax-xogħol u jħejju proposti għal politiki, pereżempju politiki bil-mira li jkunu żviluppati oqfsa ta’ programmi ta’ tagħlim vokazzjonali, u li jfasslu modi li jegħlbu nuqqasijiet kwalitattivi. Ħafna kunsilli huma involuti fl-appoġġ tal-kooperazzjoni bejn kumpaniji u fornituri ta’ VET.

4.11.3   Xi kunsilli nazzjonali jimplimentaw programmi u attivitajiet li jkollhom l-għan li jnaqqsu d-differenzi fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol. Il-kunsilli reġjonali trasversali fl-Istati Membri l-ġodda b’mod partikolari jifformulaw proposti għal politiki biex isewwu nuqqasijiet kwalitattivi.

L-għodod użati mid-diversi kunsilli huma adattati ferm għall-objettivi u l-kompiti tagħhom. Id-data dwar xejriet kwantitattivi u kwalitattivi fis-suq tax-xogħol hija partikolarment importanti għall-kunsilli. Ix-xejra ġenerali hija li din id-data tinġabar u tkun analizzata minn organizzazzjonijiet esterni, bl-eċċezzjoni ta’ każijiet fejn l-istruttura tal-kunsill tinkorpora, pereżempju osservatorju tas-suq tax-xogħol.

4.12.1   Għandha ssir distinzjoni, minn naħa waħda, bejn il-ġbir u l-analiżi ta’ data tas-suq tax-xogħol u, min-naħa l-oħra l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet politiċi dwar x’reazzjoni għandu jkun hemm għal xejriet fis-suq tax-xogħol.

Il-korpi ta’ ġestjoni tal-kunsilli settorjali li attwalment joperaw fl-UE u bnadi oħra jinkludu rappreżentanti ta’ dawk li jħaddmu (is-soltu fi rwol ġestjonali), tal-ħaddiema u, f’xi każijiet, rappreżentanti tal-fornituri tat-taħriġ u tal-gvern (awtoritajiet lokali fil-każ ta’ kunsill reġjonali). Jew jitwaqqaf korp ta’ ġestjoni żgħir (bil-għan li jissaħħaħ il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet) jew korp ta’ ġestjoni pjuttost imdaqqas, bil-għan li jkun kemm jista’ jkun rappreżentattiv. Bħala regola, il-membri tal-korp ta’ ġestjoni tal-kunsill iridu jiġu mill-industrija u jgawdu minn rispett konsiderevoli fis-settur, kif ukoll li jkunu kredibbli.

4.13.1   Fil-valutazzjoni tal-ġestjoni tal-kunsilli, jiġi enfasizzat li l-aġenda tal-kunsill m’għandhiex tinkludi kwistjonijiet relatati ma’ relazzjonijiet tax-xogħol, li huma l-kompitu tal-kumitat għad-djalogu settorjali. Fl-istess waqt, billi jindirizzaw ħafna mill-kwistjonijiet importanti l-oħrajn għal dawk li jħaddmu u għall-ħaddiema, l-attivitajiet tal-kunsill jgħinu jnaqqsu t-tensjoni li tinħoloq mid-djalogu soċjali.

4.13.2   Il-kunsilli settorjali ġieli jikkooperaw fi ħdan il-qafas ta’ organizzazzjoni. Fil-Kanada dan ir-rwol jitwettaq mill-Alleanza ta’ Kunsilli Settorjali, fejn tagħrif u għodod jiġu skambjati u proċeduri konġunti jiġu ppjanati, pereżempju fir-rigward tal-iżvilupp ta’ standards vokazzjonali nazzjonali.

5.   Kummenti dettaljati

Osservatorji tas-suq tax-xogħol bħala bażi importanti għat-tħaddim effikaċi ta’ kunsilli settorjali

Hemm diversi osservatorji tas-suq tax-xogħol li joperaw fl-Istati Membri fil-livell nazzjonali, settorjali u reġjonali. Xi kultant l-istrutturi ta’ osservatorji jaħdmu fi ħdan kunsilli tal-impjieg li diġà jeżistu jew joperaw taħt isem ieħor.

5.1.1   Dawn l-osservatorji:

jagħmlu monitoraġġ ta’ xejriet u ta’ politiki fis-suq tax-xogħol,

jiġbru, janalizzaw u jinterpretaw id-data,

jgħaddu data lill-utenti skont il-ħtiġijiet tagħhom.

5.1.2   Li jkun hemm konnessjoni bejn dawn l-osservatorji kollha f’netwerks nazzjonali u internazzjonali hija ta’ importanza ewlenija. L-osservatorji ma jistgħux jaħdmu maqtugħin minn xulxin f’suq Ewropew u globali li huwa kkaratterizzat mill-flessibbiltà.

5.1.3   Kull osservatorju, bħala għodda ta’ tbassir biex ikunu antiċipati bidliet fis-suq tax-xogħol b’mod aktar effettiv, jista’ jiżviluppa u jsir aktar importanti jekk, waqt li jikkonċentra fuq l-objettivi tiegħu stess, iżomm kuntatti regolari u sistematiċi ma’ osservatorji oħra.

5.2   Il-kompitu tal-osservatorji tal-impjiegi u l-ħiliet huwa li tingħata informazzjoni strateġika lil diversi partijiet li qed jipparteċipaw f’bidla. Barra mill-imsieħba soċjali u korpi governattivi dawn jinkludu wkoll intrapriżi żgħar u medji, istituzzjonijiet tat-taħriġ, awtoritajiet lokali, servizzi għal impjiegi u servizzi ta’ għajnuna għal negozji.

5.3   L-attivitajiet ta’ osservatorju tal-impjiegi u l-ħiliet jinkludu:

l-identifikazzjoni ta’ prijoritajiet ta’ taħriġ u li tkun żgurata l-interazzjoni iktar effettiva bejn l-iżvilupp ta’ ħiliet u l-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol;

il-monitoraġġ ta’ bidliet u ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

l-analiżi tal-istatistika dwar ix-xogħol u l-edukazzjoni;

l-għoti ta’ servizzi ta’ informazzjoni u servizz biex titħaffef it-transizzjoni mill-edukazzjoni jew it-taħriġ għax-xogħol, li l-għan ewlieni tagħhom huwa:

il-monitoraġġ ta’ mogħdijiet fl-edukazzjoni u t-taħriġ li jwasslu għal impjiegi,

l-identifikazzjoni ta’ bidliet u dipendenzi reċiproċi bejn provvista u domanda f’setturi ekonomiċi u diversi tipi ta’ xogħol;

il-koordinazzjoni ta’ riċerka u stħarriġ, kif ukoll għajnuna għall-promozzjoni tal-politika ta’ innovazzjoni u żvilupp;

it-tixrid ta’ tagħrif dwar impjiegi u ħiliet fost diversi gruppi fil-mira.

5.4   Osservatorju jista’ jipprovdi analiżi sistematika tas-suq tax-xogħol fil-livell nazzjonali, lokali u settorjali. Jagħmel analiżi komparattiva fil-livell settorjali u jeżamina l-ħtieġa għal diversi tipi ta’ xogħol u speċjalizzazzjonijiet fil-livell reġjonali, lokali u settorjali bil-għan li jindika d-domanda għall-ħiliet għall-ġejjieni.

5.5   Osservatorji jistgħu jwettqu l-kompiti li ġejjin, li jgħinu u jikkomplementaw it-tħaddim ta’ kunsilli settorjali u trasversali għas-suq tax-xogħol u l-ħiliet:

jwettqu u janalizzaw tbassir ta’ bidliet soċjali u ekonomiċi fil-livell nazzjonali, settorjali u reġjonali, u b’hekk tkun possibbli l-identifikazzjoni u d-definizzjoni ta’ impjiegi ġodda li joħorġu f’setturi jew reġjuni li l-aktar li jkunu f’riskju;

jaġġornaw id-definizzjonijiet ta’ mudelli settorjali tradizzjonali bil-għan li jkun hemm adattament aktar effettiv ta’ ħiliet tal-ħaddiema;

jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ sħubijiet fil-qasam li qed jinbidel u attivitajiet innovattivi billi:

iwaqqfu netwerks li jġibu flimkien osservatorji oħra u partijiet interessati,

jiżviluppaw strateġiji ta’ taħriġ kontinwu,

jipprovdu servizzi ta’ konsulenza vokazzjonali,

ifasslu programmi ta’ taħriġ bl-involviment ta’ kumpaniji, setturi u inizjattivi għal impjieg lokali.

5.6   Osservatorji tas-suq tax-xogħol li jġibu flimkien diversi partijiet interessati għandhom jieħdu sehem ukoll fid-dibattitu bejn partijiet interessati, pereżempju il-kunsilli tal-impjieg settorjali u trasversali, dwar l-iżvilupp tal-ekonomija Ewropea, nazzjonali, settorjali, reġjonali u lokali. L-osservatorji jaqdu rwol partikolarment importanti fl-identifikar ta’ impjiegi ġodda u biex ifiehmu attivitijiet ekonomiċi, mudelli ta’ impjieg u ħiliet ġodda.

Fir-rigward tar-relazzjonijiet attwali bejn il-kunsilli settorali u l-osservatorji tas-suq tax-xogħol, f’ħafna pajjiżi tal-UE (eż. Franza u l-Iżvezja) hemm osservatorji tas-suq tax-xogħol settorjali li jidentifikaw il-ħtiġijiet tax-xogħol f’settur partikolari f’isem kunsilli settorjali CVET nazzjonali (fi Franza l-osservatorju jwettaq din it-tip ta’ riċerka f’isem il-Kummissjoni għall-Fondi għat-Taħriġ Settorjali (5)).

5.7.1   Fuq talba ta’ kunsilli reġjonali orizzontali, l-osservatorji reġjonali tas-suq tax-xogħol f’ċerti Stati Membri jidentifikaw dawk is-setturi li qed jikbru jew li qed imorru lura. Ir-riżultat ta’ dan il-proċess ta’ identifikazzjoni hija tip ta’ informazzjoni mwessa’ u konsistenti li titqies mill-awtoritajiet reġjonali, l-imsieħba soċjali u l-provvedituri tat-taħriġ fid-diskussjonijiet dwar tipi ta’ korsijiet VET u IVET li għalihom hemm il-ħtieġa fil-firxa offruta mill-istituzzjonijiet reġjonali tat-taħriġ.

5.7.2   Fil-każ tal-KSE ppjanati, fil-fehma tal-Kumitat, ir-rwol tal-osservatorji Ewropej li jikkooperaw magħhom jista’ jittieħed mill-Fondazzjoni Dublin (Eurofund) u s-Cedefop, speċjalment matul proġetti pilota. Fil-ġejjieni, l-KSE jistgħu jikkooperaw ma’ strutturi ta’ netwerks supranazzjonali tal-osservatorji tas-suq tax-xogħol.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET – vocational education and training).

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: “Sħubija ġdida għall-modernizzazzjoni tal-universitajiet: il-Forum tal-UE għad-Djalogu bejn l-Universitajiet u n-Negozji”, COM(2009) 158 finali, 2 ta’ April 2009.

(3)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 74.

(4)  Studju ta’ Fattibbiltà dwar it-twaqqif ta’ Kunsilli Settorjali għall-Impjiegi u l-Ħiliet fil-Livell Ewropew, li sar mill-ECORYS/KBA (2009) għall-Kummissjoni Ewropea, DĠ Impjiegi Affarijiet Soċjali u Opportunitajiet Indaqs.

(5)  Fuq il-bażi tal-istudju ta’ fattibbiltà (ara n-nota fil-qiegħ tal-paġna nru 4).

(6)  Jekk il-ħaddiema kollha u l-kumpaniji kollha f’qasam partikolari jkunu koperti mill-attivitajiet tal-kunsill, dan jista’ jissejjaħ “trasversali” (transsettorjali).


18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Aġenda ta’ Lisbona u s-Suq Intern”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 347/02)

Relatur: is-Sur CALLEJA

Nhar is-26 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-Aġenda ta’ Lisbona u s-Suq Intern

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Frar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’184 vot favur, 16-il vot kontra u 34 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

L-objettiv tal-Istrateġija ta’ Lisbona huwa li l-Ewropa tkun l-ekonomija l-iktar dinamika u kompetittiva msejsa fuq l-għarfien fid-dinja li kapaċi tikseb tkabbir ekonomiku sostenibbli b’iktar impjiegi u impjiegi aħjar u iktar koeżjoni soċjali, flimkien mar-rispett għall-ambjent sal-2010. Wara r-reviżjoni tal-2005, il-gvernijiet nazzjonali assumew responsabbiltà għal programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom u qed imexxu reviżjoni ta’ kull sena tal-progress li qed isir fuq l-objettivi mwaqqfa ta’ żvilupp sostenibbli. Għalkemm l-objettivi mhux ser jintlaħqu sad-data stipulata tal-2010, governanza aħjar fil-livell Ewropew għandha tgħin biex jitwettqu l-azzjonijiet meħtieġa fuq medda qasira ta’ żmien. Ir-reviżjoni li jmiss tal-Istrateġija ta’ Lisbona kellha ssir diġà. Madankollu, il-Kunsill qed ilesti biex jiddedika s-sessjoni tar-rebbiegħa tiegħu biex jittieħdu deċiżjonijiet f’dan ir-rigward. Id-dokument tal-Kummissjoni dwar “Konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Futura UE 2020” (1) jipprovdi bażi tajba għal deċiżjoni.

1.1.1   Għaldaqstant, il-KESE iħeġġeġ lill-Kummissjoni tal-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi neċessarji importanti u deċiżivi bil-għan li jitwettaq is-Suq Uniku, filwaqt li jiġu mħarsa u żviluppati aktar l-istandards ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Il-KESE jenfasizza r-rabta intrinsika bejn l-Istrateġija ta’ Lisbona u s-Suq Uniku minkejja d-differenza fil-mudelli ta’ governanza bejniethom. Suq Uniku dinamiku huwa prerekwiżit u jservi ta’ sostenn għal strateġija UE 2020 ta’ suċċess.

1.2   Il-KESE jirrakkomanda bidla fl-istrateġija u l-attitudini tal-Istati Membri fir-rigward tar-regoli tas-Suq Uniku u jixtieq jara li jsir titjib bħal:

Regoli aħjar: Huwa fundamentali li jkun hemm regolamentazzjoni iktar trasparenti u li ma toħloqx konfużjoni, u li tkun tista’ tiġi amministrata bi spiża baxxa u mingħajr telf ta’ ħin għan-negozji u ċ-ċittadin inġenerali. Dawn il-prinċipji jridu jiġu segwiti sabiex jiġu ffaċilitati attivitajiet transkonfinali. Fl-istess ħin huwa ċar li l-problemi fis-swieq finanzjarji, il-bżonn ta’ ekonomija iktar ekoloġika u t-tisħiħ tas-setturi industrijali u tas-servizzi biex jiġu kkunsidrati l-bidliet demografiċi, jesiġu approċċ ġdid. Regoli aħjar mhux bilfors awtomatikament ifissru inqas regoli jew swieq deregolati, iżda għandhom joħolqu l-kondizzjonijiet neċessarji biex jgħinu fit-tneħħija ta’ attitudnijiet protezzjonisti u sistemi li jikkompetu ma’ xulxin u li jagħtu vantaġġ inġust għal xi Stati Membri. Ir-regoli għandhom iqisu kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali waqt li joħolqu sitwazzjoni ta’ kondizzjonijiet indaqs għall-intrapriżi, li jassiguraw aktar koeżjoni u jiggarantixxu l-ġustizzja soċjali u l-inkoraġġiment tal-moviment ħieles tar-riżorsi finanzjarji u umani.

Implimentazzjoni aħjar: Ir-regoli għandhom jiġu trasposti b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha b’interpretazzjoni waħda konsistenti u bil-minimu ta’ eċċezzjonijiet. Għandu jitjieb l-għarfien reċiproku f’oqsma mhux armonizzati.

Superviżjoni aħjar: Bħala l-gwardjan tas-Suq Uniku, l-awtorità tal-Kummissjoni tal-UE trid tissaħħaħ. Superviżjoni u infurzar jistgħu jiġu kkoordinati aħjar bil-ħolqien ta’ punt ta’ referenza uniku f’kull Stat Membru sabiex jeżerċita l-awtorità u jinżamm responsabbli mill-Kummissjoni tal-UE għal applikazzjoni uniformi tar-regoli tas-Suq Uniku.

Iktar kooperazzjoni transkonfinali, informazzjoni u sistemi rapidi għat-trattar tal-ilmenti: Jeħtieġ li jiġu żviluppati fiduċja u fehim reċiproku bejn l-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri billi tinħoloq relazzjoni ta’ ħidma iktar b’saħħitha bejniethom. In-netwerks diġà stabbiliti mill-Kummissjoni tal-UE għandhom iservu bħala bażi għal kooperazzjoni, sakemm dawn isiru operattivi fl-Istati Membri kollha biex jipproteġu u jinformaw liċ-ċittadini. Netwerk li jaħdem bis-sħiħ jipprovdi sorveljanza effettiva u ser inaqqas b’mod drastiku l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li ma jikkonformawx mal-istandards tal-UE, kemm sabiex jissaħħu l-istandards tal-prodotti u s-sigurtà tal-konsumatur kif ukoll biex ikun hemm kundizzjonijiet indaqs għall-industrija tal-UE.

Iktar ġustizzja għaċ-ċittadini: L-infurzar ġuridiku tar-regoli tas-Suq Uniku għandu jitjieb jekk l-imħallfin nazzjonali jkollhom aċċess għal taħriġ adatt fil-liġi Ewropea. Sabiex jiġu solvuti t-tensjonijiet bejn il-libertajiet tas-Suq Intern fuq naħa, u d-drittijiet fundamentali fuq in-naħa l-oħra, bħalissa qed jiġu studjata mill-imsieħba soċjali alternattivi varji. Għandhom jiġu stabbiliti prinċipji ċari sabiex ma jkunx hemm kunflitt bejn l-erba’ libertajiet u d-drittijiet kollettivi tal-impjegati u l-ħaddiema.

Il-kontinwazzjoni u t-tisħiħ tal-eżerċizzju ta’ monitoraġġ tas-Suq Intern: Huwa mistenni li minn dan l-eżerċizzju joħorġu l-aħjar modi kif għandhom jiġu indirizzati t-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ regolamentazzjoni u politika aħjar. Dawn l-approċċi ser ikunu prammatiċi u ser jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi fil-livell tal-pajjiż u tas-suq. Dan l-eżerċizzju għandu jinvestiga u jindirizza wkoll ostakoli li ġew irrapportati għall-kummerċ fis-Suq Uniku (2).

Prijoritizzazzjoni ta’ kwistjonijiet tas-Suq Uniku: Il-prijoritajiet tal-UE għandhom jiġu riveduti għas-snin li ġejjin minħabba kwistjonijiet li għadhom pendenti fl-aġenda tas-Suq Uniku li jistgħu jxekklu l-objettivi ta’ Lisbona;

Hija ta’ importanza partikulari li d-direttiva tas-Servizzi tiġi implimentata b’konformità sħiħa fl-ispirtu u r-regoli tas-Suq Uniku. Problema importanti f’dan ir-rigward hija li għad m’hemmx moviment ħieles tax-xogħol minn xi wħud mill-Istati Membri fl-aħħar tkabbir. Regoli implimentattivi ċari u effettivi huma meħtieġa għall-applikazzjoni adatta u t-twettiq tal-għanijiet tad-“Direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema”, jiġifieri l-kompetizzjoni ġusta bejn l-intrapriżi, ir-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u li jiġi evitat id-dumping soċjali.

Waħda mill-problemi tas-Suq Uniku u tal-UE hija li l-pagi u l-kondizzjonijiet tax-xogħol saru fattur tal-kompetizzjoni. Il-protezzjoni tal-istandards fis-suq tax-xogħol ser isiru aktar importanti u jridu jkunu parti mill-Istrateġija l-ġdida UE2020;

Is-Suq Uniku jistimola trasport fuq distanzi kbar li mhuwiex neċessarju u li jagħmel ħsara lill-ambjent. Dan jikkontradixxi ż-żjieda fit-talbiet għall-politika tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli;

Il-KESE jappoġġja l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent (3) u kellu l-opportunità jippreżenta l-opinjoni tiegħu (4) fejn enfasizza l-ħtieġa li jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni sabiex il-prezzijiet jiġu stabbilizzati fuq livell adatt, tiġi rikonoxxuta l-ispiża jekk ma jsir xejn u l-valur tas-servizzi tal-ekosistema.

1.3   L-IstrateġijaUE 2020tiddipendi fuq tħaddim effiċjenti tas-Suq Intern. Fir-reviżjoni li jmiss tal-proċess ta’ Lisbona, l-UE ser ikollha tieħu passi qalbiena lejn tmexxija globali fil-qasam ekonomiku u ta’ żvilupp soċjali. Dan għandu jsir billi tisfrutta l-vantaġġi ekonomiċi u kompetittivi diversi li jeżistu f’reġjuni differenti fl-Unjoni li joperaw f’Suq Intern effiċjenti u li jaħdem tajjeb.

1.4   L-Istrateġija “UE 2020” trid tindirizza kwistjonijiet iktar urġenti:

Timplimenta l-pjan ta’ rilanċ ekonomiku sabiex l-UE toħroġ mir-riċessjoni u l-Istati Membri jiġu megħjuna jilħqu l-miri u l-għanijiet li adottaw diġà. L-istrateġija għandha tappoġġja l-bidliet meħtieġa sabiex l-industrija timxi lejn strateġija iktar ekoloġika u fl-istess waqt iġġib bidla fl-imġiba tal-konsumaturi li tappoġġja ekonomija iktar ekoloġika.

Tidentifika miżuri konkreti u tiżviluppa linji gwida għall-ekoeffiċjenza bi strateġija integrata u pjan ta’ azzjoni għall-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni matul din is-sena; u l-Pjan Ewropew tal-Innovazzjoni li ġej sabiex jinħoloq Suq Intern kompetittiv u armonizzat f’dan il-qasam.

Tiżviluppa strateġija reali għat-tneħħija tal-interventi mill-Istati bis-settur bankarju, tal-assigurazzjoni u dak finanzjarju waqt li jissaħħu l-prinċipji tas-superviżjoni u r-regolazzjoni. Din għandha tinkludi approċċ strateġiku lejn it-tnaqqis gradwali tal-parteċipazzjoni tal-istat fis-sostenn tal-vijabilità tas-settur finanzjarju b’għanijiet ċari li jimmiraw lejn l-iżgurar tal-effiċjenza tas-settur, it-tnaqqis tal-piż mid-dejn pubbliku, filwaqt li jiġi salvagwardjat il-kontribut ta’ attivitajiet finanzjarji favur l-istabilità u t-tkabbir ekonomiku.

Issaħħaħ l-enfasi fuq bidliet strutturali tant meħtieġa li jqisu l-bidliet demografiċi u kwistjonijiet ta’ konsegwenza li huma relatati. Issa għandhom jittieħdu azzjonijiet konkreti biex jiġi implimentat l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar fl-Istati Membri.

1.5   Strateġija għal aktar tkabbir tal-UE. Aktar tkabbir għandu jsir biss jekk l-applikanti l-ġodda jilħqu minn qabel l-approssimazzjoni legali mal-acquis u t-twettiq tar-rekwiżiti kollha ta’ governanza tajba, l-istat tad-dritt u ekonomija sostenibbli.

1.6   Negħlbu l-kriżi finanzjarja:

Billi l-kriżi finanzjarja heżżet il-pedamenti tal-progress ekonomiku u soċjali, din trid tiġi solvuta kemm jista’ jkun malajr u mingħajr intoppi. L-iffinanzjar tan-negozju u t-tħeġġiġ tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp huma kruċjali jekk ser jinżammu l-livelli tal-impjieg u l-benessri ekonomiku.

Parti integrali mis-soluzzjoni hija li terġa’ tissaħħaħ il-fiduċja fis-settur finanzjarju Ewropew. Dan jista’ jseħħ biss permezz ta’ reviżjoni sħiħa tas-sorveljanza u r-regolamentazzjoni pubblika li għandhom isiru iktar stretti sabiex iżommu l-pass mad-dimensjoni globali u operazzjonijiet fis-swieq finanzjarji. Huwa mixtieq ħafna wkoll li jiġu kkoordinati regolamentazzjoni finanzjarja vinkolanti u superviżjoni obbligatorji fil-livell globali, minħabba l-effetti enormi u kontaġġjużi li kriżijiet finanzjarji f’pajjiż wieħed jista’ jkollhom fuq dinja dejjem iktar interdipendenti.

L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-approċċ tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li jqis id-dimensjonijiet ekonomiċi u tal-impjiegi b’mod parallel mal-istabbiltà fil-prezzijiet, ir-responsabbiltà biex imexxi studju tal-ekonomija taż-żona tal-Euro u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill tal-ECOFIN. Huwa indikat ukoll li jiġu kkunsidrati mill-ġdid l-ambitu u l-effikaċja tal-Grupp tal-Euro u l-kontribut tiegħu lejn id-definizzjoni tal-politika monetarja tal-Euro.

Sabiex il-kriżi finanzjarja u ekonomika ma tħallix li taggrava iktar il-qagħda tal-impjieg u dik soċjali, għandhom jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji fil-livell nazzjonali u tal-UE sabiex jiġu adattati miżuri soċjali għaċ-ċirkostanzi attwali filwaqt li wieħed ifittex li jevita li jtellef l-ħarsien soċjali, is-saħħa tal-akkwist tal-ħaddiema, u titħares il-koeżjoni fis-suq intern, waqt li jibqgħu jitqiesu s-sostenibbiltà ta’ sistemi soċjali u n-neċessità ta’ politika fiskali soda. Fl-istess waqt is-swieq tax-xogħol iridu jiġu stabilizzati biex ikunu lesti għall-bidla għall-aħjar fil-qagħda ekonomika permezz ta’ passi komprensivi addizzjonali u intensivi fit-taħriġ ta’ ħaddiema u ta’ miżuri li jiġu implimentati favur aktar edukazzjoni msejsa fuq l-għarfien li għandha twassal għal iktar impjiegi ta’ kwalità ogħla.

Mezzi aħjar kif jiġi valutat il-progress fl-oqsma soċjali, ekonomiċi u ambjentali. Hemm bżonn li jiġu żviluppati indikaturi oħra, barra mill-PGD, sabiex ikollna fehim aħjar tal-progress li jsir fl-iżvilupp sostenibbli u l-benesseri.

1.7   Titjib fil-pożizzjoni tal-Ewropa fis-suq globali

1.7.1   L-Ewropa trid tkun f’pożizzjoni aħjar fil-kamp internazzjonali. Dan jista’ jsir billi ssolvi l-isfidi interni ekonomiċi, soċjali u ambjentali u ssaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea u l-kooperazzjoni internazzjonali.

1.7.2   L-industrija tal-UE għandha titħeġġeġ biex tidħol f’setturi teknoloġikament intensivi li primarjament iħaddnu fihom infushom approċċ strateġiku li ma jagħmilx ħsara lill-klima. Dan għandu jagħti vantaġġ kompetittiv lill-UE, u b’hekk jittejjeb il-kummerċ estern u jinħolqu impjiegi “ekoloġiċi” għall-ħaddiema waqt li l-objettiv ikun is-sostenibbilità ekonomika fit-tul u li din qed tiġi żgurata.

1.7.3   Huwa meħtieġ mod ta’ ħsieb innovattiv sabiex jintlaħaq dan il-bilanċ, biex b’hekk il-progress soċjali u ambjentali jkun jista’ jikkontribwixxi għall-kompetittività.

1.7.4   Tnaqqis iżjed tal-ostakoli ekonomiċi u legali għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal aktar intensifikazzjoni tal-integrazzjoni fis-swieq stess u għall-effett globali tat-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa (5). Iżjed involviment mill-imsieħba soċjali u mis-Soċjetà Ċivili organizzata fl-Istrateġija l-ġdida “UE 2020” ser jgħin biex jinkiseb progress malajr.

1.7.5   Id-dimensjoni globali tesiġi aktar sforzi konġunti. Kull Stat Membru għandu jiffaċċja l-aġenda nazzjonali tiegħu waqt li jaħdem mal-oħrajn lejn il-kisba ta’ għanijiet komuni stabbiliti. Dawn għandhom jinkludu:

L-impenn li jaqdi rwol qawwi fid-dinja waqt li jitqies il-fatt li ċ-ċentru tal-gravità qed tiċċaqlaq lejn l-Asja u l-pajjiżi emerġenti.

Politika tal-enerġija strateġika appoġġjata minn ftehimiet bilaterali bejn l-UE u pajjiżi oħrajn flimkien mal-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-enerġija b’użu baxx tal-karbonju li hija intelliġenti u deċentralizzata.

L-UE għandha tinsisti ma’ dawk il-pajjiżi li magħhom tagħmel skambji kummerċjali biex jaċċettaw u jikkonformaw mat-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti tan-NU u l-aġenziji tagħha, bħall-ILO, u korpi internazzjonali oħrajn li jistabbilixxu standards fir-rigward tal-ambjent, id-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż il-ħlas ugwali għal xogħol ugwali, u l-projbizzjoni tax-xogħol tat-tfal.

2.   Daħla

2.1   L-objettivi ta’ Lisbona

2.1.1   Meta nieda l-Aġenda ta’ Lisbona, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2000 kien stabbilixxa objettiv strateġiku għall-Unjoni li għandu jintlaħaq sal-2010 fl-isforzi tagħha li ssir l-iktar ekonomija dinamika u kompetittiva msejsa fuq l-għarfien li kapaċi tikseb tkabbir ekonomiku sostenibbli b’iktar impjiegi u impjiegi aħjar u iktar koeżjoni soċjali, flimkien mar-rispett għall-ambjent. L-Ewropa għadha timpenja ruħha li tadatta diversi politiki, ftehimiet istituzzjonali u strumenti finanzjarji għall-prijoritajiet strateġiċi tagħha. Il-KESE enfasizza l-importanza tal-Istrateġija ta’ Lisbona u kkunsidraha ta’ benefiċċju kbir għaż-żamma tal-pass tar-riformi li għandhom isaħħu s-Suq Uniku u jgħinu biex dan jiżviluppa u jiġi kkonsolidat aktar (6). Ir-riformi fis-swieq tal-prodotti, is-servizzi, l-impjieg u l-kapital huma mistennija li jikkontribwixxu għal Suq Uniku li jaħdem bis-sħiħ u li huwa effiċjenti u biex tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-Istati Membri f’żona ekonomika wara l-2010 li hija iktar kompetittiva u eqreb li tilħaq l-għanijiet tal-Aġenda ta’ Lisbona waqt li jiġi żgurat bilanċ bejn il-pilastri ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp sostenibbli.

2.2   It-tieni fażi tal-Aġenda ta’ Lisbona

2.2.1   Din bdiet bir-reviżjoni ta’ nofs it-term fl-2005 b’kull Stat Membru responsabbli għall-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali. Kellhom jiġu ċċarati l-prijoritajiet u ġew imnedija strumenti politiċi u finanzjarji ġodda. Linji gwida integrati ġodda ġew adottati għal politiki ekonomiċi u tal-impjieg, u dawn kellhom jiġu inkorporati fil-programmi nazzjonali ta’ riforma.

2.3   L-Aġenda ta’ Lisbona wara l-2010

2.3.1   Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2008 ddefinixxa wkoll mandat biex jinbeda proċess ta’ riflessjoni dwar il-futur tal-Aġenda ta’ Lisbona wara l-2010, b’enfasi fuq:

l-investiment fil-kapital uman u l-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol;

li jinħeles il-potenzjal tan-negozju;

l-investiment fl-għarfien u l-innovazzjoni;

it-tibdil fil-klima, l-enerġija, u investimenti relatati fl-infrastrutturi.

2.4   L-Ewropa f’nofs kriżi finanzjarja

2.4.1   L-Unjoni Ewropea issa tinsab f’nofs il-krizi finanzjarja globali attwali li bdiet fl-Istati Uniti, u li issa ħadet xejra pandemika, qed tinxtered fl-ekonomija globali u tagħmel ħsara lill-investiment, qed tisraq min-negozji mezzi ta’ kreditu meħtieġa, u qed tikkontribwixxi għal tnaqqis fil-kummerċ dinji fuq livell li kien ilu ma jseħħ mill-aħħar Gwerra Dinjija. Madwar l-Unjoni l-konsegwenzi soċjali f’termini ta’ telf ta’ impjiegi u tnaqqis fil-poter ta’ nfiq tal-ħaddiema qed jilħqu livelli allarmanti u ma jidhirx li hemm prospetti ta’ rkupru immedjati. Il-Bank Ċentrali Ewropew s’issa ħa miżuri biex iħares l-Euro mill-inflazzjoni u d-deflazzjoni. L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-approċċ tal-BĊE li jqis id-dimensjonijiet ekonomiċi u tal-impjiegi b’mod parallel mal-istabbiltà fil-prezzijiet u li jagħti r-responsabbiltà li jmexxi wkoll studju tal-ekonomija taż-żona tal-Euro u li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill tal-ECOFIN. F’dan l-ispirtu jkun tajjeb li l-Istati Membri jirrivedu l-ambitu u l-effikaċja tal-Grupp tal-Euro u l-kontribut tiegħu lejn id-definizzjoni tal-politika monetarja tal-Euro. Il-ftuħ ta’ swieq fis-settur finanzjarju kien pass pożittiv. Madankollu, is-sorveljanza u r-regolamentazzjoni pubblika ma żammewx il-pass mad-dimensjoni globali tas-swieq finanzjarji. Dawn huma sfidi addizzjonali li l-Ewropa ser ikollha tiffaċċja u tegħleb billi tirrivedi u ssaħħaħ ir-regolamentazzjoni.

2.5   Intopp għas-Suq Uniku u l-Aġenda ta’ Lisbona

2.5.1   L-Isfidi tal-Globalizzazzjoni. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni fl-UE, huwa evidenti li s-Suq Uniku u l-Aġenda ta’ Lisbona ser jiġu affettwati b’mod serju. Il-globalizzazzjoni u l-isfidi tagħha ser ikunu għadhom magħna wara l-kriżi. Għaldaqstant, l-Ewropa trid tkun f’pożizzjoni aħjar fil-kamp internazzjonali fejn twettaq progress fis-sejba ta’ soluzzjonijiet għall-isfidi interni ekonomiċi, soċjali u ambjentali u ssaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea u l-kooperazzjoni internazzjonali. Sabiex din l-istrateġija tkun effettiva u konformi mal-prijoritajiet riveduti tal-Aġenda ta’ Lisbona, għandu jintlaħaq bilanċ bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp.

2.5.2   Il-Koeżjoni Soċjali

2.5.2.1   Meta tnediet l-Istrateġija ta’ Lisbona fis-sena 2000, il-koeżjoni soċjali kienet, u għadha, konsiderazzjoni importanti. Iżda l-progress fil-kwistjonijiet tal-faqar u l-inugwaljanza kien pjuttost diżappuntanti fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom. Il-faqar u l-inugwaljanza għadhom jitqiesu fost l-ikbar problemi fl-Ewropa. Ir-reviżjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona għandha tieħu l-faqar u l-koeżjoni soċjali iktar bis-serjetà permezz ta’ miri iktar ambizzjużi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, li għandhom iwasslu għal tnaqqis drastiku tal-faqar u l-kwistjonijiet tal-inugwaljanza.

2.5.2.2   Id-differenzi bejn sistemi soċjali fl-UE huma ċari. Xi wħud mid-differenzi huma kkawżati minn sistemi fiskali totalment differenti u mill-kompetizzjoni fiskali. It-taxxi tal-kumpaniji u t-taxxi fuq id-dividends u l-interessi huma għolja f’xi pajjiżi u baxxi f’oħrajn. Il-mudelli b’rata tat-taxxa fissa żiedu d-differenzi fit-taxxa fuq id-dħul u d-dħul bejn l-Istati Membri. L-infiq soċjali bħala persentaġġ tal-PGD jaqbeż it-30 % f’xi pajjiżi u jaqa’ taħt il-15 % f’xi pajjiżi b’rata tat-taxxa baxxa. Il-pajjiżi kollha qed jiffaċċjaw problemi għall-futur tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom.

2.5.2.3   Livelli ta’ edukazzjoni ogħla, ħiliet aqwa li jistgħu jintużaw aħjar fis-suq tax-xogħol, u aktar riċerkaturi għandhom ikunu l-aspetti fuq liema tinbena kompetittività iktar b’saħħitha għal industrija Ewropea iktar ekoloġika li trid tkun fuq quddiem fl-innovazzjoni, bit-teknoloġija għolja, iktar produttività u valur miżjud. Dan għandu joħloq aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar u jitħaffef l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, biex b’hekk naslu għal tnaqqis fil-faqar u l-inugwaljanza.

2.5.2.4   Huma indikati l-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni (MMK) u enfasi qawwija fuq azzjoni simultanja u interattiva fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali. Il-parteċipazzjoni fil-livell tal-Istat Membru tal-parlamenti nazzjonali, tal-imsieħba soċjali u tal-bqija tas-soċjetà ċivili organizzata għandha tagħti sens ta’ fehim u sjieda tal-oqsma l-iktar problematiċi u l-azzjoni li għandha tittieħed.

2.5.2.5   Il-provvedituri tas-servizzi pubbliċi huma parti mis-soluzzjoni meħtieġa għall-problemi tal-koeżjoni soċjali u l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali għax huma jagħmlu xogħol importanti fl-isforzi tal-gvernijiet biex jistabbilizzaw l-ekonomija u s-swieq tax-xogħol. Is-settur pubbliku jaġixxi bħala katalista għat-tkabbir ekonomiku u jipprovdi l-infrastruttura għall-prosperità tan-negozju privat. Servizzi pubbliċi aħjar (pereżempju l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u dik soċjali, eċċ.) għandhom ikunu fundamentali fl-istrateġija Ewropea l-ġdida għat-tkabbir ekonomiku u l-impjieg u għall-interess taċ-ċittadini Ewropej kollha.

2.6   Inbiddlu x-xejriet tar-riċessjoni

2.6.1   Suq Uniku iktar effiċjenti għandu jgħin fl-iżvilupp fuq term medju tal-UE u għandu jikkontribwixxi wkoll għal irkupru iktar mgħaġġel mill-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali. Riformi strutturali għandhom jitfasslu sabiex jintlaħaq irkupru sod u fit-tul. Mingħajr ma jieqfu jqisu l-bilanċ soċjali meħtieġ, dawn għandhom jimmiraw ukoll biex ibiddlu x-xejriet attwali tar-riċessjoni, u jevitaw aktar deterjorazzjoni tal-kapaċitajiet produttivi fl-UE. Li kieku l-Istati Membri jistgħu jsibu s-sinerġiji u jiddeċiedu li jaħdmu flimkien biex imexxu l-ekonomiji tagħhom lura lejn tkabbir sostenibbli, jiggwadanjaw saħħa u direzzjoni mill-iktar qawwija. L-Istati Membri għandhom ikunu lesti li jħeġġu d-domanda fis-Suq Intern u jerġgħu jagħtu s-saħħa lill-poter ta’ nfiq tal-konsumatur b’konformità mal-progress li qed isir biex tintemm il-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u r-riċessjoni li ġiet magħha.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Din l-opinjoni identifikat ċerti oqsma fejn is-Suq Uniku jista’ jikkontribwixxi għall-Aġenda ta’ Lisbona wara l-2010. Dawn huma kkunsidrati hawn isfel.

3.2   Id-daqs tas-Suq Intern

3.2.1   Il-kummerċ ta’ prodotti fis-Suq Intern tal-UE huwa kważi d-doppju tal-kummerċ mal-bqija tad-dinja, u jirrifletti l-isforzi ta’ integrazzjoni tul is-snin (7) Is-Suq Uniku Ewropew għal prodotti jitqies li għandu vantaġġ kompetittiv qawwi u jipprovdi lill-Istati Membri b’bażi tajba għal suċċess fi swieq esterni u għall-ħolqien ta’ iktar ġid u impjiegi għaċ-ċittadini. Eventwalment se jiġi kkunsidrat aktar tkabbir tal-UE u għaldaqstant id-daqs tas-Suq Uniku mistenni jkompli jikber.

3.3   Progress fit-tkomplija u l-implimentazzjoni tas-Suq Uniku

3.3.1   Il-proġett tas-Suq Uniku huwa “ħidma li għadha għaddejja” iżda ċerti kwistjonijiet ewlenin jitolbu li tittieħed azzjoni urġenti. L-applikazzjoni korretta tal-“acquis” tas-Suq Uniku hija ta’ importanza ewlenija. Għandhom jinżammu bilanċ u konsistenza bejn l-interessi varji. Barra minn hekk, il-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fis-Suq Uniku għandha tiġi mmirata biex tagħti lill-konsumatur tal-UE kwalità mtejba u prodotti iktar siguri għall-aqwa prezz waqt li l-industrija tingħata bażi iktar b’saħħitha u effiċjenti biex tespandi s-suq estern tagħha. Rapport ippubblikat f’Jannar 2009 (8) jidentifika aspetti tal-programm tas-Suq Intern tal-1992 li għadhom ma ntlaħqux. Ir-rapport sab li regoli attwali jwasslu għal interpretazzjonijiet u implimentazzjonijiet differenti u għal nuqqas ta’ armonizzazzjoni. Isemmi wkoll l-ispejjeż amministrattivi għoljin u kif jistgħu jitneħħew l-ostakoli kollha li jeżistu fuq l-intrapriżi.

3.3.2   Kunċett ġdid ta’ internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-modi kollha tat-trasport ġie introdott mill-UE. Il-KESE diġà kellu l-opportunità biex jikkumenta dwar din is-sitwazzjoni (9) u jtenni r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li l-effett mixtieq jista’ jintlaħaq biss jekk dan il-prinċipju jiġi applikat fuq l-istess livell kull fejn jinbtu spejjeż esterni. Fost il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2009, dan enfasizza l-ħtieġa li jiġi applikat dan il-prinċipju bħala mezz kif il-prezzijiet jiġu stabbilizzati fuq livell adatt, u stieden lill-Istati Membri biex jintensifikaw id-diskussjoni dwar kif għandhom jagħmlu l-aħjar użu ta’ strumenti ekonomiċi kosteffettivi sabiex jiġu riflessi aħjar l-ispejjeż u l-benefiċċji ambjentali reali, u jassenjaw prezz prevedibbli għall-emissjonijiet tal-karbonju. Il-Kunsill stieden ukoll lill-Kummissjoni biex tidentifika miżuri konkreti u tiżviluppa linji gwida għall-ekoeffiċjenza fl-istrateġija l-ġdida “UE 2020” u li tippreżenta strateġija integrate u azzjoni għall-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni matul din is-sena u għall-Pjan Ewropew ta’ Innovazzjoni li ġej sabiex jinħoloq suq intern kompetittiv u armonizzat f’dan il-qasam. Attwalment, l-ispejjeż esterni mhumiex qed jiġu trasferiti lill-modi ta’ transport individwali u lill-utenti tagħhom. Dan jista’ joħloq vantaġġ kompetittiv għal dawk il-modi ta’ transport li tefgħu spejjeż kbar fuq is-soċjetà. L-internalizzazzjoni tista’ telimina dawn id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, u toħloq bidla lejn modi ta’ transport iktar ekoloġiċi. Huwa importanti li dan il-prinċipju jiġi applikat b’mod iktar effettiv għaliex jista’ jiġi assoċjat ukoll ma’ bidliet fl-istrutturi tal-fornitur u tal-utent fit-trasport.

3.4   Is-settur tas-servizzi

3.4.1   Is-Suq Intern għas-servizzi għadu juri sinjali ta’ dgħufija. Hemm it-tama li jsir progress bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tas-Servizzi fil-bidu ta’ din is-sena. Kwistjonijiet transkonfinali għadhom oqsma sensittivi ħafna, b’mod speċjali fis-setturi tal-enerġija, tal-posta, u tas-servizzi finanzjarji. Dwar xi kwistjonijiet, soluzzjonijiet Ewropej ma jidhrux possibbli minħabba r-reżistenza tal-Istati Membri, u teżisti tensjoni li għandha t-tendenza li timmanifesta ruħha f’iktar protezzjoniżmu. Il-gvernijiet iridu jirreżistu miżuri bħal dawn li huma maħsubin għal żmien qasir u li huma neqsin minn viżjoni. Għandhom jimmonitorjaw is-sitwazzjoni u jiżguraw li ma jitnaqqsux l-istandards ta’ kwalità soċjali, ambjentali u ta’ sigurtà fl-oqsma msemmija hawn fuq. Il-KESE jsejjaħ lill-Istati Membri biex iħarrġu b’mod adatt lill-persunal amministrattiv jekk se ssir transizzjoni mingħajr intoppi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Servizzi. Is-settur tas-servizzi jrid jiġi żviluppat sabiex jilħaq mal-isfidi tal-bidliet demografiċi, li se joħolqu sfida għas-Suq Intern ukoll – waqt li jitqies li wħud mis-servizzi soċjali mhumiex parti mid-Direttiva tas-Servizzi.

3.5   L-unjoni monetarja

3.5.1   L-unjoni monetarja u s-suċċess tal-euro huma fundamentali għal integrazzjoni iktar fil-fond u l-infurzar tas-suq kapitali intern. Fil-fatt, f’perijodu ta’ tnaqqis ekonomiku s-Suq Intern u ż-żona tal-euro wrew li jipprovdu stabbiltà għal kumpaniji billi l-attività intrakummerċjali tonqos inqas mill-attività kummerċjali barra mill-UE. Dawn l-indikaturi jagħtu ħjiel tal-potenzjal ta’ aktar integrazzjoni.

3.6   L-effetti esterni tal-euro

3.6.1   Huwa stmat li l-kummerċ żdied bi kważi 5 fil-mija mill-introduzzjoni tal-euro (10). Is-swieq ser jibbenefikaw aktar minn approfondiment taż-żona tal-euro, inkluża l-koordinazzjoni ta’ politiki makroekonomiċi, rappreżentazzjoni esterna u regolazzjoni tas-swieq finanzjarji b’mod speċjali fid-dawl tat-tnaqqis ekonomiku attwali.

3.7   Xkiel fl-implimentazzjoni tal-erba’ libertajiet

3.7.1   Il-libertà tal-moviment tat kontribut għat-tisħiħ tal-ekonomija tal-Istati Membri tal-UE, billi ssaħħaħ il-kompetizzjoni u tagħti lill-konsumaturi għażla akbar u prodotti ta’ kwalità aqwa bi prezzijiet iktar baxxi. Dan jgħin lill-kumpaniji fl-UE biex jikkompetu anke fis-swieq ta’ pajjiżi terzi. Madankollu, hemm evidenza ta’ regoli ta’ implimentazzjoni mhux ċari taħt id-Direttiva dwar l-impjegar tal-ħaddiema barra mill-pajjiż li wasslu għal kompetizzjoni mhux ġusta bejn l-intrapriżi, in-nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u d-dumping soċjali.

3.7.2   Fis-snin riċenti, il-linji gwida tal-impjieg iffokaw l-iktar fuq il-mobilità tax-xogħol bħala mod kif titjieb l-istruttura tas-suq tax-xogħol. Il-promozzjoni tal-prinċipji attivi tas-suq tax-xogħol, ta’ skemi tal-flessigurtà li jirriżultaw minn negozjati bejn l-imsieħba soċjali u l-gvernijiet, il-promozzjoni tat-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja, it-twaqqif ta’ sistemi tas-sigurtà soċjali b’saħħithom, adatti u sostenibbli, il-faċilitar tal-opportunitajiet ugwali, is-salvagwardja tal-ugwaljanza bejn is-sessi, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u tal-familja u t-tneħħija ta’ kull tip ta’ diskriminazzjoni huma essenzjali biex is-suq tax-xogħol jikkontribwixxi iktar għall-objettivi ta’ Lisbona.

3.8   Xkiel regolatorju

3.8.1   Mis-snin tmenin ’l hawn, ir-regolamenti tal-UE ffokaw fuq il-libertà tal-moviment tal-prodotti, is-servizzi, ix-xogħol u l-kapital. L-ambjent regolatorju li fih joperaw in-negozji huwa element kruċjali tal-kompetittività tagħhom u l-ħila tagħhom biex jikbru u joħolqu l-impjiegi. Ir-regoli jistgħu jistabbilixxu kompetizzjoni li hija ġusta iżda jistgħu jxekklu klima intraprenditorjali tajba. Għaldaqstant, regolamenti jridu jiġu riveduti u semplifikati sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jadattaw malajr għal bidliet waqt li s-swieq jinżammu ġusti u relattivament siguri. Għandha tittieħed azzjoni kkoordinata mis-27 Stat Membru sabiex tiġi stabbilizzata b’mod effettiv is-sistema Ewropea tas-swieq. L-implimentazzjoni ta’ miżuri trid tkun mgħaġġla sabiex jiġu żgurat li l-banek jiffokaw b’mod iktar effettiv fuq ix-xogħol ewlieni tagħhom li jipprovdu likwidità lill-ekonomija reali, permezz ta’ sorsi stabbli ta’ finanzjament iġġenerati mit-tifdil li tagħmel l-ekonomija nnifisha, u jħallu dawk l-attiviatjiet iktar riskjużi u spekulattivi fis-swieq finanzjarji għal operaturi separati li jispeċjalizzaw f’dan il-qasam.

3.8.2   F’dawn l-aħħar ħames snin, is-Suq Uniku tjieb b’mod sinifikanti fi ħdan il-qafas leġiżlattiv għall-moviment ħieles ta’ prodotti u servizzi. Dan it-titjib kien dovut l-iktar għar-Regolament dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku, li stabbilixxa regoli tekniċi komuni. Dawn qed inaqqsu l-ispejjeż żejda amministrattivi u ta’ produzzjoni. Fil-prinċipju, ir-Regolament dwar l-Akkreditazzjoni u s-Sorveljanza tas-Suq saħħaħ ukoll il-moviment ħieles billi ppromova titjib fl-istandards għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-promozzjoni tas-sigurtà tal-prodotti li jinbiegħu.

3.8.3   Huwa importanti li jinħolqu standards armonizzati mal-moviment ħieles ta’ prodotti, servizzi, xogħol u kapital. Ċertu xkiel għadu qed iwaqqaf milli s-Suq Intern jaħdem bis-sħiħ.

3.8.4   Hemm netwerks diġà stabbiliti mill-Kummissjoni tal-UE li għandhom ikunu operattivi fl-Istati Membri kollha li għandhom biżżejjed riżorsi biex jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom. Il-KESE jirriferi b’mod partikulari għas-sistema IMI (Informazzjoni dwar is-Suq Intern - Internal Market Information), is-sistema ta’ Twissija Rapida għal prodotti perikolużi li mhumiex ikel (RAPEX), is-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) u SOLVIT. Dawn l-istrumenti jipprovdu informazzjoni u protezzjoni tal-interessi taċ-ċittadini tal-UE u jiżguraw operazzjoni mingħajr intoppi u monitoraġġ tar-regoli tas-Suq Uniku. B’mod ġenerali, għarfien imsaħħaħ mill-pubbliku ġenerali għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ riformi li jkunu utli għat-tisħiħ tas-Suq Uniku.

3.9   Esternalitajiet Ambjentali

3.9.1   Fil-perijodu bejn medju u fit-tul l-UE trid “bħala Komunità, issir iż-żona ekonomika l-iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi” u l-politika tal-klima trid tkun immirata lejn is-sostenibbiltà. Il-possibilitajiet kollha għall-iffrankar tal-enerġija jridu jiġu studjati u għandhom jintużaw strutturi lokali, rinnovabbli u reġjonali. It-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi se jsir wieħed mill-elementi ewlenin ta’ strateġija ġdida.

3.9.2   Għal żvilupp ekonomiku sostenibbli aħjar hija meħtieġa ħolqa iktar b’saħħitha mal-azzjoni esterna tal-UE sabiex tissawwar il-globalizzazzjoni u tiġi promossa konverġenza strateġika internazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli.

3.9.3   F’dan ir-rigward, sabiex is-suq tal-prodotti jikkontribwixxi iktar għat-twettiq tal-objettivi ta’ Lisbona, irid ikun hemm leħen tal-UE komuni b’mod insistenti u konsistenti fin-negozjati internazzjonali.

3.9.4   Irid ikun hemm aktar investiment fir-riċerka dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima. Aktar investiment fl-industrija fl-UE għandu jissejjes fuq politika strateġika tal-enerġija appoġġjata minn ftehimiet bilaterali bejn l-UE u pajjiżi oħrajn. L-iżvilupp ta’ infrastruttura ġdida b’użu baxx tal-karbonju u li hija intelliġenti u deċentralizzata huwa importanti wkoll.

3.10   Is-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti tal-enerġija u komoditajiet bażiċi

3.10.1   Min-naħa l-oħra, huwa essenzjali li l-ekonomija tal-UE jkollha aċċess kontinwu u sigur għal komoditajiet tal-enerġija u bażiċi, u dan ifisser li l-UE għandha tilħaq livell dejjem ogħla ta’ awtosuffiċjenza f’dan ir-rigward.

3.10.2   Fil-kuntest tat-tibdil sostanzjali fil-prezzijiet tal-enerġija u l-komoditajiet fis-snin reċenti, l-euro offriet kenn mit-turbolenzi tas-swieq finanzjarji u s-saħħa tagħha pattiet għal uħud mill-effetti taż-żjidiet fil-prezzijiet ta’ sentejn ilu meta kien hemm domanda qawwija fuq is-swieq globali tal-ikel u l-enerġija.

3.10.3   Il-mod miftuħ kif jaħdmu s-swieq kapitali huwa importanti wkoll f’dan ir-rigward, b’mod speċjali bejn l-Istati Membri. Dan għandu jitħeġġeġ sabiex jiġi ffinanzjat il-kummerċ fil-provvisti tal-enerġija u jiġi promoss l-investiment fis-settur tal-enerġija.

3.10.4   Is-Suq Intern tal-enerġija tal-UE ukoll jeħtieġ li jiġi ttrasformat f’sistema ġenwinament koeżiva li topera taħt politika unifikata b’interkonnettività u operabilità sħiħa li tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta u tħares id-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi. Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE, it-tisħiħ tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u politika ta’ servizzi ta’ interess ġenerali għandhom jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom provvisti adatti, siguri u mingħajr interruzzjoni ta’ taħlita tal-enerġija li hija kemm sostenibbli kif ukoll bi prezz li jista’ jintlaħaq.

3.11   L-infrastruttura tat-trasport u tal-komunikazzjoni

3.11.1   Fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, it-trasport huwa ta’ importanza ewlenija għal tħaddim tajjeb tas-Suq Uniku. Isaħħaħ il-kooperazzjoni u l-iskambji transkonfinali bejn l-Istati Membri. Sistemi tat-trasport effiċjenti jippermettu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ prodotti bi prezzijiet kompetittivi. L-infrastruttura ferrovrjarja intra–Ewropea hija mezz effiċjenti u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent għall-ġarr tal-merkanzija, bil-kontra tat-trasport fuq it-triq li jikkontribwixxi għal ammont ogħla ta’ emissjonijiet.

3.11.2   L-Istrateġija tat-Trasport Marittimu tal-2009–2018 ser tikkontribwixxi wkoll għal żvilupp ekonomiku sostenibbli. Hekk kif jiżdied in-numru ta’ bastimenti li joperaw f’kummerċ fuq distanzi qosra fuq il-baħar u jiżdied ukoll il-kummerċ internazzjonali, ser ikollhom jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima u problemi ambjentali oħrajn.

3.11.3   Huma mistennija bidliet fis-sistema tat-trasport tal-UE li jnaqqsu s-saturazzjoni tal-infrastruttura waqt li jgħinu lill-ekonomija tal-UE tadatta għall-isfidi tal-globalizzazzjoni. Sistema tat-trasport effiċjenti ssaħħaħ l-opportunitajiet ta’ negozju u ta’ impjieg waqt li tiżgura kompetittività fit-tul ġewwa l-UE u barra minnha. It-trasport iħeġġeġ ukoll l-innovazzjoni u jinkoraġġixxi t-tkabbir ekonomiku.

3.11.4   Kwistjonijiet ta’ interoperabilità u konnettività bejn il-pajjiżi membri jridu jiġu evalwati, b’mod speċjali fir-rigward tan-netwerks tal-enerġija u l-aċċess għaċ-ċittadini kollha għall-internet broadband. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jaffettwaw b’mod partikulari r-reġjuni periferiċi.

3.11.5   Reġjuni periferiċi għad għandhom żvantaġġ kbir fir-rigward tas-servizzi tal-ajru. L-UE għandha tindirizza din il-problema b’mod differenti u timmira biex tagħti liċ-ċittadini ta’ dawn ir-reġjuni faċilitajiet ekwivalenti li jgawdu dawk li jgħixu fuq il-kontinent.

3.12   Il-kompetittività fis-Suq Uniku

3.12.1   L-istrateġija ta’ Lisbona kellha suċċess f’xi aspetti relatati mas-suq tal-prodotti. Is-Suq Uniku Ewropew ippermetta li l-kummerċ fil-prodotti jsir iktar faċli u l-konsumaturi qed igawdu minn għażla ħafna iktar wiesgħa ta’ prodotti bi prezzijiet kompetittivi ħafna. Madankollu, hemm bżonn li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta permezz ta’ sorveljanza effettiva fil-livell nazzjonali permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

3.12.2   Madankollu jidher li hemm qasma bejn it-twettiq ta’ impenji fil-livell nazzjonali u dak Ewropew. Hekk kif il-kompetizzjoni internazzjonali għal prodotti u servizzi tikber, qed isir dejjem iktar urġenti li jkun hemm titjib fil-prestazzjoni kompetittiva fil-livell Ewropew. Hemm evidenza qawwija li tagħti ħjiel li koordinazzjoni aħjar tal-isforzi fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp bejn il-clusters tal-SMEs u kumpaniji kbar tista’ toħloq effetti mtejba ta’ kompetittività li jestendu lil hinn mis-Suq Intern.

3.12.3   Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li t-twaqqif tal-EMU għen biex is-suq tal-UE jsir iktar kompetittiv permezz ta’ spejjeż iktar baxxi u trasparenti għal attivitajiet transkonfinali. Dan iffaċilita wkoll id-dħul ta’ kumpaniji ġodda fis-suq Ewropew waqt li l-kumpaniji inqas effiċjenti ġew eliminati jew ittieħdu minn sidien ġodda. Madankollu, għad hemm lok għal titjib fir-rigward tal-flessibilità fis-Suq Intern u l-mobilità tax-xogħol. Fil-fatt, id-dgħufija ewlenija identifikata fis-swieq kollha hija li s-Suq Uniku Ewropew irid jiżgura li l-ostakoli interni li fadal jitneħħew.

3.13   Il-dimensjoni esterna tas-Suq Uniku

3.13.1   Il-fatt li l-Ewropa hija miftuħa għall-bqija tad-dinja kkontribwixxa għall-prosperità tagħha. Għaldaqstant, huwa fl-interess tagħha li tiżviluppa l-aġenda esterna tagħha, sabiex tħares u sservi l-interessi tal-popolazzjoni tagħha. Politiki futuri issa għandhom jitbiegħdu mis-sindromu fejn tiggverna l-introspezzjoni, u dan ilu jiġi enfasizzat mit-Trattat ta’ Ruma tal-1957. Issa l-UE għandha minflok tħares lejn l-ekonomija globalizzata b’determinazzjoni sabiex taqdi rwol sħiħ waqt li tqis iċ-ċentru ta’ gravità li qed jiċċaqlaq lejn l-Asja u l-pajjiżi emerġenti, b’mod speċjali l-hekk imsejħa BRIC – il-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina. L-UE trid tiżviluppa wkoll kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi fil-viċinat fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, inkluża s-Sħubija tal-Lvant u l-Unjoni għall-Mediterran, bil-għan li tiġi estiża ż-Żona tal-Kummerċ Ħieles. Prinċipji ta’ suq miftuħ għandhom ikunu kundizzjoni għal sħubijiet bħal dawn. Fl-istess waqt, huwa essenzjali li s-Suq Intern japprofondixxi ruħu u jiġi pperfezzjonat, jekk l-UE se żżomm ir-rwol tagħha bħal mexxej fis-suq dinji.

3.13.2   L-Ewropa għandha wkoll id-dmir li tindirizza problemi globali u tgħin biex tikkontrolla l-pass u l-karattru tal-globalizzazzjoni. L-UE segwiet gruppi ewlenin tal-kummerċ oħrajn fl-isforzi lejn il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-suq globali tal-prodotti u s-servizzi. Qed tinnegozja ftehimiet bilaterali tal-kummerċ ħieles mal-Korea, l-ASEAN u l-Indja. Il-progress li sar fil-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku kien pożittiv ukoll. Din l-istrateġija xi ftit jew wisq tirrifletti nuqqas ta’ fiduċja li n-negozjati taċ-Ċiklu ta’ Doha ser jiġu konklużi b’suċċess fi żmien qasir. Fil-fatt, dan il-bilateraliżmu jista’ jfixkel l-għan kollu kemm hu tan-negozjati kummerċjali multilaterali. Jeħtieġ li ssir insistenza fuq il-każ politiku favur ir-reċiproċità fil-ftuħ tas-swieq internazzjonali, u l-konklużjoni taċ-Ċiklu ta’ Doha trid tibqa’ prijorità. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kapijiet ta’ Gvern tal-Istati Membri biex fit-taħdidiet dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ jirsistu mal-gvernijiet ta’ pajjiżi terzi biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, il-konvenzjonijiet tal-ILO u fuq is-salvagwardja tar-riżorsi naturali, ekonomiċi u kulturali.

3.13.3   Huwa mixtieq, u tabilħaqq suppost diġà sar, li l-UE jkollha protezzjoni waħdanija u unitarja tal-Brevett Komunitarju. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jridu jiġu infurzat bis-saħħa, u l-kummerċ fi prodotti tal-marka li jiġu kkuppjati illegalment irid jiġi miġġieled b’mod effettiv (11).

3.13.4   In-nuqqas ta’ monitoraġġ u sorveljanza effettivi tas-suq fl-UE ġie enfasizzat iktar fis-snin reċenti minn rapporti ta’ prodotti tal-ikel u ġugarelli li kienu ta’ livell baxx importati minn pajjiżi terzi. Minħabba nuqqas ta’ monitoraġġ xieraq ta’ prodotti importati minn pajjiżi terzi, konsumaturi tal-UE qed jiġu esposti għal perikli possibbli ta’ saħħa u għal kwalità baxxa u inferjuri. Dan ifixkel ukoll il-kompetizzjoni fis-suq u jista’ jaffettwa b’mod negattiv investiment futur u l-impjieg fl-Ewropa.

3.13.5   Strateġija b’saħħitha u kkonċentrata għandha tiġi kkunsidrata wkoll bħala mezz kif il-konsumaturi Ewropej jitħarsu mill-importazzjoni ta’ prodotti u servizzi minn pajjiżi terzi li ma jirrispettawx l-istandards tekniċi, soċjali u ambjentali, u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg. Stati Membri għandhom jiżguraw li l-istandards imwaqqfa mill-ILO, in-NU u l-aġenziji tagħha, u konvenzjonijiet internazzjonali oħrajn li jikkonċernaw id-drittijiet individwali, il-libertà tal-assoċjazzjoni, id-dritt tal-ħaddiema li jorganizzaw u jinnegozjaw b’mod kollettiv u l-abolizzjoni tax-xogħol tat-tfal u l-ħidma sfurzata jiġu rrispettati minn pajjiżi li magħhom l-Istati Membri tal-UE jkollhom ftehimiet kummerċjali.

3.13.6   Il-kriżi attwali wriet li teżisti interdipendenza iktar qawwija bejn pajjiżi fi ħdan is-swieq globali finanzjarji u kummerċjali. Jeħtieġ li s-sistemi finanzjarji dinjija jissaħħu permezz ta’ regoli li jippromwovu l-prudenzja, itejbu l-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ monitoraġġ u l-banek ċentrali; u mhux biss isaħħu t-trasparenza iżda wkoll jikkontrollaw b’mod iktar strett il-flussi tal-flus u l-investimenti minn sorsi illegali relatati mad-drogi, il-kriminalità u n-negozjar illegali tal-armi.

3.13.7   F’dan il-kuntest, il-mudell tal-UE għal djalogu soċjali għandu jiġi segwit minn pajjiżi barra mill-Unjoni, u l-KESE għandu jżid l-isforzi biex jippromovi dan il-kunċett.

3.14   Id-dimensjoni soċjali

3.14.1   Iktar żvilupp tas-Suq Intern jesiġi li jiġi aċċettat miċ-ċittadini Ewropej. Id-dimensjoni soċjali tas-Suq Intern issa qed tissaħħaħ mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali inkorporata fit-Trattat ta’ Lisbona. Din għandha ssaħħaħ l-importanza tas-Soċjetà Ċivili organizzata f’aktar żvilupp tas-Suq Intern.

3.14.2   L-istrateġija tal-UE għal wara l-2010 għandha tippromovi soċjetà iktar ġusta u ugwali billi tissalvagwardja u tiżviluppa l-mudell tas-soċjetà tagħha f’konformità ma’ politika tal-iżvilupp integrata. Kull Stat Membru għandu jadatta għall-globalizzazzjoni u l-bidliet teknoloġiċi billi jtejjeb il-kwalità u d-disponibbiltà ta’ edukazzjoni u taħriġ kontinwu. Dan iż-żmien ta’ kriżi għandu jintuża biex titħeġġeġ qabża fl-għarfien sabiex il-forza tax-xogħol tkun preparata għall-ġejjieni. Il-qiegħda għandhom jingħataw l-opportunità li jitħarrġu mill-ġdid u jinkitbu għal programmi edukattivi, inkluża l-edukazzjoni għolja li għandha tippermettilhom jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol bi prospetti għal kundizzjonijiet ta’ impjieg aħjar għalihom u biex dawk li jħaddmuhom jitħajru iktar jinvestu fid-domandi l-ġodda tas-suq li huma mistennija jinħolqu mill-ammont qed jikber ta’ teknoloġiji fis-snin li ġejjin. Il-Fond tal-Globalizzazzjoni u l-Fond Soċjali Ewropew għandhom jintużaw u jiġu adattati aħjar għal sfidi ta’ dan it-tip fis-Suq Intern. Minħabba l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika, għandu jsir sforz urġenti biex il-programmi għat-tnaqqis tal-faqar jitfasslu mill-ġdid.

4.   Kummenti tal-għeluq

4.1   Fil-kriżi attwali l-UE trid tadatta l-miżuri tal-istrateġija ta’ Lisbona fuq terminu medju u fit-tul. Trid iżżid mal-aġenda tar-riforma strutturali azzjonijiet li jiġu implimentati fi żmien qasir, waqt li tkompli tinvesti fil-futur. Dan jista’ jintlaħaq l-iktar permezz ta’ aktar investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni, l-inkoraġġiment b’mod attiv tal-iskambju b’xejn ta’ għarfien bejn l-Istati Membri u billi n-negozji jiġu appoġġjati (b’mod speċjali l-SMEs) sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal Suq Uniku iktar dinamiku. Azzjonijiet lejn ekonomija iktar ekoloġika huma importanti wkoll bħala mezz kif jinħolqu impjiegi u teknoloġiji ġodda waqt li jiġu żgurati provvisti alternattivi ta’ enerġija u jintlaħqu l-għanijiet ambjentali. Dan jista’ jsir li kieku l-governanza Ewropea tissaħħaħ sabiex ittejjeb id-dimensjoni kollettiva tal-Unjoni Ewropea u jiġi evitat id-dupplikar tal-isforz u r-riżorsi.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2009) 647 finali 24.11.2009.

(2)  Għal ħarsa ġenerali dwar l-ostakli li għad fadal għas-Suq Uniku, ara l-istudju tal-KESE-SMO fuq http://www.eesc.europa.eu/smo/news/index_en.asp.

(3)  14891/09, 23.10.2009.

(4)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 80.

(5)  ĠU C 277, 17.11.2009, p. 6.

(6)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 15.

(7)  Klassifika tas-Suq Intern, Diċembru 2008.

(8)  When will it really be 1992 – Specific Proposals for Completing the Internal Market, ippubblikata mill-federazzjonijiet ta’ dawk li jħaddmu tal-Pajjiżi l-Baxxi VNO – NCW, MKB (ara http://www.eesc.europa.eu/smo/prism/moreinformation/literature/7/index_en.asp).

(9)  ĠU C 317, 23.12.2009, p. 80 u CESE 1947/2009, 17.12.2009 (TEN/356).

(10)  Studju dwar l-impatt tal-euro fuq il-Kummerċ u l-Investiment Dirett Barrani (http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/publication12590_en.pdf)

(11)  ĠU C 116, 28.4.1999, p. 35 u ĠU C 221, 7.8.2001, p. 20.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-emendi li ġejjin, li kienu appoġġjati minn tal-inqas kwart tal-voti mixħuta, ġew skartati matul id-dibattitu (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):

Punt 1.2, it-8, id-9 u l-10 inċiżi

Hija ta’ importanza partikulari li d-direttiva tas-Servizzi tiġi implimentata b’konformità sħiħa fl-ispirtu u r-regoli tas-Suq Uniku. Problema importanti f’dan ir-rigward hija li għad m’hemmx moviment ħieles tax-xogħol minn xi wħud mill-Istati Membri fl-aħħar tkabbir. Regoli implimentattivi ċari u effettivi huma meħtieġa għall-applikazzjoni adatta u t-twettiq tal-għanijiet tad-‘Direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema’, jiġifieri l-kompetizzjoni ġusta bejn l-intrapriżi, r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema .

l-pagi u l-kondizzjonijiet tax-xogħol fattur tal-kompetizzjoni. Il-protezzjoni tal-istandards fis-suq tax-xogħol se sir aktar importanti u rid kun parti mill-Istrateġija l-ġdida UE2020.

Is-Suq Uniku trasport fuq distanzi neċessarju l-ambjent. u l-iżvilupp sostenibbli .”

Raġuni:

Il-kelma “dumping” issa tintuża l-iktar fil-kuntest tal-liġi tal-kummerċ internazzjonali, fejn ġiet definita bħala l-azzjoni ta’ manifattur f’pajjiż wieħed li jesporta prodott għal pajjiż ieħor bi prezz li huwa jew inqas mill-prezz li jitlob fis-suq lokali tiegħu jew inqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni tiegħu. It-terminu “dumping soċjali” għaldaqstant jintuża ħażin fil-każ imsemmi hawn fuq tad-Direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema billi l-kumpanija (is-soltu minn Stat Membru inqas żviluppat ekonomikament) li qed tipprovdi l-prodotti u s-servizzi tagħha lil Stat Membru ma titlobx inqas mill-ispejjeż tagħha. L-użu tat-terminu “dumping soċjali” dirett lejn l-Istati Membri l-ġodda huwa offensiv u għandu jiġi evitat.

Li jiġu indikati d-differenzi fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol bħala problema tas-Suq Uniku huwa kontradittorju għall-fatt sempliċi li l-pagi dejjem huma parti mill-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji li hija l-bażi tal-ekonomija tas-suq ħieles u ta’ benefiċċju għall-konsumaturi. Fir-rigward tal-protezzjoni tal-istandards tas-suq tax-xogħol, huwa neċessarju li jiġu indikati liema tip ta’ standards għandhom jiġu protetti. Hemm konvenzjonijiet tal-ILO iffirmati mill-maġġoranza tal-Istati Membri li jiddifenixxu dawn l-istandards.

Li l-ħtija taż-żjieda fit-trasport li jagħmel il-ħsara tintefa’ f’ħoġor is-Suq Uniku huwa argument li jara naħa waħda biss. Bl-istess mod għandna nitfgħu l-ħtija fuq il-moviment ħieles tan-nies li żied il-piż ambjentali. Huwa neċessarju li nqisu l-aspetti ambjentali u tal-iżvilupp sostenibbli meta niddifenixxu l-Istrateġija UE 2020.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur:93

Kontra: 131

Astensjonijiet: 8

Punt 3.7.1

Il-libertà tal-moviment tat kontribut għat-tisħiħ tal-ekonomija tal-Istati Membri tal-UE, billi ssaħħaħ il-kompetizzjoni u tagħti lill-konsumaturi għażla akbar u prodotti ta’ kwalità aqwa bi prezzijiet iktar baxxi. Dan jgħin lill-kumpaniji fl-UE biex jikkompetu anke fis-swieq ta’ pajjiżi terzi.

Raġuni:

Għad fadal ir-restrizzjonijiet għall-moviment ħieles tal-ħaddiema fi ħdan is-Suq Uniku minkejja li ngħataw provi li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet ma għamlitx is-sitwazzjoni agħar fis-suq tax-xogħol tal-pajjiżi li neħħew ir-restrizzjonijiet.

Il-kelma “dumping” ġeneralment qed tintuża biss fil-kuntest tal-liġi internazzjonali dwar il-kummerċ, fejn id-dumping jitfisser bħala l-att fejn il-manifattur f’pajjiż partikolari jesporta prodott lejn pajjiż ieħor bi prezz li jew huwa inqas mill-prezz li jistabbilixxi f’pajjiżu inkella li jkun inqas mill-ispejjeż tal-produzzjoni. It-terminu “dumping soċjali” għalhekk ma jintużax tajjeb fil-każ imsemmi hawn fuq tad-Direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema peress li l-ispejjeż tal-kumpanija (normalment mill-Istati Membri li huma ekonomikament inqas żviluppati) li tipprovdi l-prodotti u s-servizzi tagħha lil Stati Membri oħra mhijiex qed tagħmel dan b’inqas mill-ispejjeż tagħha. L-użu tat-terminu “dumping soċjali” huwa offensiv u għandu jiġi evitat.

Riżultat tal-votazzjoni:

L-Emenda 5 (punt 3.7.1) kienet marbuta mal-Emenda 3 (punt 1.2, inċiżi 8, 9 and 10) u waqgħet bħala riżultat tal-votazzjoni sfavorevoli fuqha.

Punt 3.8.1

Mis-snin tmenin ’l hawn, ir-regolamenti tal-UE ffokaw fuq il-libertà tal-moviment tal-prodotti, is-servizzi, ix-xogħol u l-kapital. L-ambjent regolatorju li fih joperaw in-negozji huwa element kruċjali tal-kompetittività tagħhom u l-ħila tagħhom biex jikbru u joħolqu l-impjiegi. Ir-regoli jistgħu jistabbilixxu kompetizzjoni li hija ġusta iżda jistgħu jxekklu klima intraprenditorjali tajba. Għaldaqstant, regolamenti jridu jiġu riveduti u semplifikati sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jadattaw malajr għal bidliet waqt li s-swieq jinżammu ġusti u relattivament siguri. Għandha tittieħed azzjoni kkoordinata mis-27 Stat Membru sabiex tiġi stabbilizzata b’mod effettiv is-sistema Ewropea tas–swieq.

Raġuni:

L-ewwel parti tas-sentenza li tħassret mhijiex realistika. Liema miżuri għandhom jiġu implimentati? Jekk ma tingħatax spjegazzjoni, aħjar jekk ma jkunx hemm referenza għalihom peress li din toħloq konfużjoni u inċertezza. Barra minn hekk, il-problema attwali mhijiex waħda ta’ sorsi ta’ fondi, iżda ta’ fiduċja fl-ekonomija reali.

Nemmen li l-punt 1.6 tal-opinjoni jispjega perfettament il-problemi finanzjarji attwali u s-soluzzjonijiet tagħhom.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur: 82

Kontra: 127

Astensjonijiet: 19


18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/19


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-integrazzjoni u l-Aġenda Soċjali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 347/03)

Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS

Korelatur: is-Sur ALMEIDA FREIRE

Nhar l-16 ta’ Lulju 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-integrazzjoni u l-Aġenda Soċjali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Jannar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’158 vot favur, 3 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Bħala istituzzjoni li hija impenjata b’mod qawwi favur il-promozzjoni u l-iżvilupp tal-Aġenda tal-Politika Soċjali kif ukoll favur il-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-immigranti u l-minoranzi etniċi, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja sabiex l-Unjoni Ewropea ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-politiki ta’ integrazzjoni u l-Aġenda tal-Politika Soċjali.

1.2   L-2010 ser tkun sena importanti ħafna għall-politiki soċjali tal-UE: ser tkun is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali; ser titfassal l-Istrateġija tal-UE 2020; u ser tiġi adottata wkoll Aġenda Soċjali ġdida.

1.3   Il-KESE jemmen li r-reviżjoni tal-Aġenda Soċjali għal wara l-2010 għandha tagħti aktar importanza lill-effetti soċjali tal-immigrazzjoni.

1.4   Billi l-immigrazzjoni/integrazzjoni u l-Aġenda Soċjali huma kompetenzi ta’ Kummissarji u Direttorati Ġenerali differenti, il-KESE jipproponi li tittejjeb il-kooperazzjoni politika u amministrattiva fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

1.5   Il-politiki ta’ integrazzjoni għandhom ikunu marbutin mal-objettivi ewlenin tal-politika soċjali tal-UE; b’hekk in-nies kollha, inklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, iċ-ċittadini Ewropej minn sfond ta’ immigrazzjoni u l-minoranzi, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet li joffru. Barra minn hekk, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali għandha tikkunsidra n-nies kollha, inklużi l-immigranti, kemm jekk ikunu ċittadini tal-UE kif ukoll jekk ikunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

1.6   Il-KESE jagħti prijorità lit-tisħiħ tal-integrazzjoni fil-livell Ewropew, filwaqt li jitqiesu l-kriżi ekonomika, is-sitwazzjoni tal-immigranti u l-minoranzi b’rabta mal-impjieg, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-faqar, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

1.7   Il-perspettiva tad-diversità li tkun ġejja mill-immigrazzjoni għandha tiġi inkluża b’mod orizzontali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki soċjali, u fl-istess ħin għandhom jiġu żviluppati politiki u miżuri speċifiċi mmirati lejn l-integrazzjoni tal-persuni immigranti u tal-minoranzi etniċi.

1.8   Konsegwentement, u fid-dawl tal-esperjenza miksuba f’politiki oħra, il-Kumitat jipproponi li jinħoloq proċess ta’ “mainstreaming” tal-integrazzjoni fid-diversi strumenti politiċi, leġiżlattivi u finanzjarji tal-UE, sabiex jiġu promossi l-integrazzjoni, it-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni.

2.   Preżentazzjoni

2.1   L-Unjoni Ewropea qed tfassal u timplimenta politika komuni tal-immigrazzjoni, li għaliha l-Kumitat qed jagħti l-kontribut tiegħu permezz tal-opinjonijiet tiegħu, fejn jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni bħala “iċ-ċavetta għal immigrazzjoni b'suċċess”. Il-Kumitat jirrikonoxxi l-ħtieġa li s-soċjetajiet Ewropej itejbu l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw id-diversità inerenti fl-immigrazzjoni sabiex tiżdied il-koeżjoni soċjali.

2.2   Matul dawn l-aħħar għaxar snin l-immigranti taw kontribut importanti għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Ewropa (1). Bosta persuni, irġiel u nisa, minn pajjiżi terzi daħlu fis-swieq tax-xogħol Ewropej u qed jgħinu fit-tkabbir tal-ekonomija, l-impjieg, il-kontributi tas-servizzi soċjali u d-dħul mit-taxxi.

2.3   Il-KESE ppropona l-kunċett tal-“integrazzjoni ċivika” li huwa bbażat fuq “l-armonizzazzjoni progressiva tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-immigranti, kif ukoll tal-aċċess għall-prodotti, għas-servizzi u għall-mezzi ta’ parteċipazzjoni ċivika sabiex dawn isiru aktar konformi ma’ dawk tal-bqija tal-popolazzjoni, f’kondizzjonijiet ta’ opportunitajiet u trattament indaqs” (2).

2.4   Fl-2010 għandhom jiġġeddu l-Istrateġija ta’ Lisbona, l-Istrateġija tal-UE 2020 u l-Aġenda Soċjali, u ser jiġi evalwat il-Fond għall-Integrazzjoni. Barra minn hekk, l-UE ser ikollha għad-dispożizzjoni tagħha t-Trattat ta’ Lisbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ser ikollha Kummissjoni (3) ġdida, u l-Parlament ser ikun fl-ewwel parti tal-leġiżlatura attwali.

2.5   L-2010 ser tkun ukoll is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, li ser tipprovdi opportunità biex inġeddu l-impenn tagħna għas-solidarjetà, il-ġustizzja soċjali u aktar inklużjoni.

2.6   Il-politiki ta’ integrazzjoni għandhom ikunu marbutin mal-objettivi ewlenin tal-politika soċjali tal-UE. Il-KESE jipproponi li tittejjeb il-kooperazzjoni politika u amministrattiva fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea.

2.7   Bil-kriżi ekonomika, ħafna immigranti qed isibu ruħhom fost l-iktar gruppi soċjali vulnerabbli, u qed ikunu l-ewwel vittmi: huma l-ewwel li jitkeċċew mix-xogħol, għandhom diffikultajiet ikbar biex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, u huma fil-periklu li jisfaw foqra. Din is-sitwazzjoni tkompli tiggrava fil-każ tan-nisa immigranti (4).

2.8   Barra minn dan, ħafna drabi jkun hemm ċans ikbar li ulied l-immigranti ma jirnexxux fl-iskola.

2.9   Il-KESE jemmen li hemm bżonn li jiżdiedu l-isforzi għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni billi jiġu żviluppati l-istrumenti leġiżlattivi eżistenti u jissaħħu l-politiki pubbliċi u l-impenji soċjali favur l-integrazzjoni.

2.10   Flimkien mal-kriżi ekonomika, fid-dibattitu politiku u soċjali ta’ xi Stati Membri qed jinbtu attakki verbali li dejjem qed jiħraxu fuq id-drittijiet tal-immigranti, u dawn qed iwasslu biex tiħrax il-leġiżlazzjoni u tiżdied il-ksenofobija.

2.11   Xi gvernijiet qed inaqqsu wkoll ir-riżorsi pubbliċi allokati għall-politiki ta’ integrazzjoni minkejja li fi żminijiet ta’ kriżi, l-investiment fil-politiki soċjali għandu jiżdied u mhux jonqos.

2.12   Il-KESE huwa tal-fehma li politika ta’ integrazzjoni adegwata hija fattur ta’ effiċjenza ekonomika u koeżjoni soċjali, fil-qafas ta’ politika komuni adegwata tal-immigrazzjoni.

2.13   Il-politiki ta’ integrazzjoni jvarjaw ħafna madwar l-Ewropa minħabba d-differenzi bejn il-kulturi soċjali u politiċi u s-sistemi legali. Madankollu, f’kull Stat Membru l-objettivi tal-integrazzjoni huma marbuta mal-politiki soċjali.

2.14   Fl-Unjoni Ewropea l-immigranti huma integrati b’rati differenti. Bħalissa, il-proċessi migratorji huma inqas fl-Istati Membri l-ġodda fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, u iktar fl-Istati Membri tan-Nofsinhar u tal-Punent. Però l-esperjenza tgħallimna li fil-ġejjieni l-pajjiżi Ewropej kollha ser jesperjenzaw livelli għoljin ta’ immigrazzjoni.

2.15   Il-Kumitat jixtieq ifakkar li fi ħdan politika tal-immigrazzjoni komprensiva Ewropea, ir-rabtiet bejn l-immigrazzjoni u l-iżvilupp għandhom jissaħħu. Il-KESE fassal żewġ opinjonijiet abbażi ta’ dan l-approċċ (5).

3.   L-integrazzjoni

3.1   Il-proċess soċjali tal-integrazzjoni jiżvolġi f’oqsma varji fil-ħajja tal-bniedem: fil-familja, fl-inħawi lokali u fil-belt, fuq il-post tax-xogħol, fit-trejdjunjin, fl-organizzazzjoni tan-negozju, fl-iskola, fiċ-ċentru tat-taħriġ, fl-assoċjazzjonijiet, fl-istituzzjonijiet reliġjużi, fil-klabbijiet tal-isports, fil-forzi armati, eċċ.

3.2   Billi l-integrazzjoni hija proċess li jsir fl-istrutturi soċjali, hemm bżonn ta’ governanza tajba sabiex jiġi żgurat li dan il-proċess soċjali jiġi appoġġjat u akkumpanjat minn politiki adegwati min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi. Fil-qafas tal-kompetenzi li għandhom fl-Istati Membri differenti, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom strumenti politiċi, leġiżlattivi u finanzjarji li jridu jużaw b’mod adegwat fil-politiki ta’ integrazzjoni.

3.3   Il-Prinċipju Bażiku Komuni numru 10 (Appendiċi 1) jipproponi li l-integrazzjoni tagħmel parti mill-aġendi politiċi kollha fil-livelli kollha tal-gvern (mainstreaming).

3.4   Il-KESE fassal diversi opinjonijiet (6) fuq inizjattiva proprja u fihom appella għal politiki ta’ integrazzjoni proattivi fl-UE, b’approċċ bidirezzjonali, immirati lejn is-soċjetajiet ospitanti u lejn l-immigranti, bil-għan li tissawwar soċjetà fejn iċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, ikollhom l-istess drittijiet u l-istess obbligi, u jaqsmu l-valuri tas-soċjetajiet demokratiċi, miftuħa u pluralisti.

3.5   Il-KESE huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol kruċjali fl-integrazzjoni. Kemm l-immigranti kif ukoll is-soċjetajiet ospitanti għandhom juru li huma lesti jaċċettaw l-integrazzjoni. L-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu impenjati għall-politiki ta’ integrazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

3.6   L-integrazzjoni hija proċess soċjali li jinvolvi lill-immigranti u s-soċjetà ospitanti. L-amministrazzjonijiet pubbliċi differenti u l-partijiet soċjali għandhom jimpenjaw ruħhom. L-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u muniċipali għandhom ifasslu programmi fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom. Sabiex tiġi garantita l-effikaċja tagħhom u tinżamm konsistenza globali, il-programmi u l-azzjonijiet għandhom jikkomplementaw lil xulxin u jiġu kkoordinati b’mod adegwat.

3.7   F’opinjoni (7) oħra, il-KESE ppropona impenn akbar min-naħa tal-awtoritajiet lokali, billi l-integrazzjoni hija fuq kollox sfida fil-livell lokali u reġjonali. Dawn il-politiki jirnexxu aktar jekk fihom jiġu involuti l-awtoritajiet reġjonali u lokali u jikkollaboraw b’mod attiv l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

3.8   L-integrazzjoni hija proċess bidirezzjonali bbażat fuq id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tas-soċjetà ospitanti, li tippermetti l-parteċipazzjoni sħiħa tal-immigranti. F’opinjoni oħra l-KESE ddefinixxa “l-integrazzjoni bħala l-armonizzazzjoni progressiva tad-drittijiet u d-dmirijiet tal-immigranti, kif ukoll tal-aċċess għall-prodotti, għas-servizzi u għall-mezzi ta’ parteċipazzjoni ċivika sabiex dawn isiru aktar konformi ma’ dawk tal-bqija tal-popolazzjoni, f’kondizzjonijiet ta’ opportunitajiet u trattament indaqs” (8).

3.9   Il-KESE jemmen li l-immigranti għandhom ikollhom attitudni favur l-integrazzjoni; u li l-approċċ bidirezzjonali jimplika li l-integrazzjoni ma taffettwax biss lill-immigranti, iżda wkoll lis-soċjetà ospitanti.

3.10   Il-politiki ta’ integrazzjoni u ta’ inklużjoni soċjali għandhom jiffokaw fuq oqsma varji: fosthom il-wasla inizjali, it-tagħlim tal-lingwa, il-liġijiet u d-drawwiet, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-politiki tal-impjieg u tat-taħriġ, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni tal-minorenni, il-politika tal-familja, il-politika taż-żgħażagħ, id-djar, il-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra l-faqar, l-estensjoni tas-servizzi soċjali, u l-fatt li jsir iktar faċli li persuni minn sfond ta’ immigrazzjoni jsiru ċittadini attivi.

3.11   Dawn il-politiki għandhom jagħmluha iktar faċli biex il-persuni minn sfond ta’ immigrazzjoni jgħixu fl-armonija fis-soċjetajiet ospitanti Ewropej, soċjetajiet fejn id-diversità etnika u kulturali qiegħda dejjem tikber.

3.12   Fl-2002, waqt konferenza (9) organizzata bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni, il-KESE ppropona li l-istituzzjonijiet tal-UE jfasslu Programm Ewropew għall-Integrazzjoni u jwaqqfu fond Komunitarju. Il-Kummissjoni nediet programm pilota fil-qasam tal-integrazzjoni (INTI), u fl-2006 pproponiet it-twaqqif ta’ Fond għall-Integrazzjoni, li ġie adottat mill-Kunsill u issa huwa inkluż fil-baġit tal-2007–2013.

3.13   F’Novembru 2004, il-Kunsill stabbilixxa għadd ta’ ““Prinċipji Bażiċi Komuni għall-politika tal-intergrazzjoni tal-immigranti fl-Unjoni Ewropea” (10). Dawn il-prinċipji jikkomplementaw l-oqfsa leġiżlattivi dwar id-drittijiet tal-bniedem, in-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs, u l-inklużjoni soċjali.

3.14   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza ta’ approċċ komuni Ewropew għaliex dan iġib miegħu valur miżjud sostanzjali għall-politiki u l-proċessi tal-integrazzjoni: ir-relazzjoni trasversali mal-politiki l-oħra tal-UE, bħall-Istrateġija tal-UE 2020, l-Aġenda Soċjali u l-politika ta’ koeżjoni (fost oħrajn). Approċċ bħal dan isaħħaħ ukoll ir-rabtiet bejn l-integrazzjoni u l-valuri u l-prinċipji tal-UE kif stabbiliti fil-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

3.15   Il-Fond għall-Integrazzjoni huwa strument finanzjarju li għandu l-għan li jiżviluppa l-politiki ta’ integrazzjoni b’approċċ u valur miżjud Ewropej, fil-kuntest tal-prinċipji bażiċi komuni. Il-politiki ta’ integrazzjoni huma bbażati fuq l-Artikolu 63 tat-Trattat, u huma mmirati lejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, waqt li l-FSE huwa mmirat lejn il-popolazzjoni kollha tal-UE, inklużi l-immigranti. Għalhekk, il-Fond għall-Integrazzjoni u l-FSE jikkomplementaw lil xulxin.

3.16   Il-KESE jappoġġja s-sitt objettivi politiċi tal-Fond għall-Integrazzjoni, u qed jistenna l-valutazzjoni ta’ nofs it-term tal-Fond fl-2010 sabiex jipproponi ċerti bidliet.

3.17   Dan l-aħħar ġie stabbilit il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni sabiex is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-immigranti jipparteċipaw fil-politiki ta’ integrazzjoni tal-UE. Il-Kumitat huwa involut ħafna fl-attivitajiet tal-forum.

3.18   Fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ Ġunju 2007 dwar l-integrazzjoni, il-Kunsill Ewropew ħass li hemm bżonn li jsir progress fl-Aġenda Komuni tal-Integrazzjoni tal-2005 billi jiġu żviluppati l-prinċipji bażiċi komuni.

3.19   Il-KESE jixtieq jiżviluppa dan l-approċċ u jagħti prijorità lit-tisħiħ tal-integrazzjoni fil-livell Ewropew filwaqt li jitqiesu s-sitwazzjoni tal-immigranti u l-minoranzi b’rabta mal-impjieg, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-faqar, l-edukazzjoni u t-taħriġ, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

4.   L-Aġenda tal-Politika Soċjali

4.1   Il-kriżi finanzjarja internazzjonali wasslet għal kriżi ekonomika serja fl-UE, li qed tikkawża deterjorazzjoni sinifikanti fis-sitwazzjoni soċjali. Il-kriżi qed ikollha impatt negattiv ħafna fuq l-integrazzjoni.

4.2   Minħabba l-mument li tfasslet fih, l-Aġenda Soċjali Mġedda (11) (2008) ma setgħetx tqis l-evoluzzjoni tant negattiva tal-kriżi ekonomika, iż-żieda fil-qgħad, it-tnaqqis fil-finanzi pubbliċi u s-sitwazzjoni soċjali.

4.3   Il-Kummissjoni Ewropea tipprevedi li r-rilanċ ekonomiku ser isir bil-mod u li l-impjiegi ser idumu ma jinħolqu.

4.4   Il-KESE jemmen li l-irkupru soċjali ser idum ħafna iktar mir-rilanċ ekonomiku. F’dan il-kuntest, il-kontribut tal-politika soċjali Ewropea ser ikun fundamentali.

4.5   L-2010 ser tkun sena importanti ħafna għall-politiki soċjali tal-UE: ser tkun is-Sena Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali; ser titfassal l-Istrateġija tal-UE 2020 għal wara l-2010 u ser tiġi adottata wkoll Aġenda Soċjali ġdida, bil-miżuri u l-istrumenti neċessarji.

4.6   L-Aġenda Soċjali Mġedda (2008), li tirrikonoxxi l-kontribut importanti tal-immigrazzjoni għall-impjieg fl-Ewropa, tipproponi li l-integrazzjoni tittejjeb u l-politiki soċjali jiġu implimentati fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u d-djar.

4.7   Fl-opinjoni (12) tiegħu ta’ Jannar 2009 dwar l-Aġenda Soċjali Mġedda, il-KESE għaraf is-suċċess ta’ dan l-approċċ il-ġdid u ressaq xi kummenti dwar il-problemi kkawżati miż-żieda fil-flussi migratorji u mill-fatt li l-politiki soċjali mhumiex suffiċjenti.

4.8   Il-Presidenza Franċiża tal-UE kienet talbet lill-Kumitat ifassal opinjoni esploratorja (13) dwar “Programm ta’ Azzjoni Soċjali Ewropew ġdid”, li ġiet adottata f’Lulju 2008. Il-KESE jemmen li l-programm ta’ azzjoni soċjali l-ġdid għandu jkun utli biex tiġi ffaċċjata s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali diffiċli. Il-Kumitat ippropona li l-programm il-ġdid iqis il-politiki ta’ integrazzjoni, it-trattament indaqs, l-iżvilupp tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, u ż-żieda fir-riżorsi allokati lill-Fond għall-Integrazzjoni.

4.9   Fis-6 ta’ Mejju 2009, il-Parlament adotta Riżoluzzjoni (14) dwar l-Aġenda Soċjali, u fiha ddikjara li l-politika tal-immigrazzjoni għandha tkun imsejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem, issaħħaħ il-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u tippromovi strateġija għall-integrazzjoni u l-opportunitajiet indaqs.

4.10   Il-persuni f’sitwazzjoni amministrattiva irregolari (mingħajr dokumenti) huma vulnerabbli ħafna, u jistgħu jisfaw vittmi tal-isfruttament fuq ix-xogħol, tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali l-aktar estrema. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat ippropona li fil-qafas tal-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Asil tiġi regolarizzata s-sitwazzjoni amministrattiva ta’ dawn il-persuni, filwaqt li titqies l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Min-naħa l-oħra, il-KESE jemmen li l-politiki soċjali tal-UE m’għandhomx jeskludu lill-persuni mingħajr dokumenti mill-objettivi u l-programmi tal-inklużjoni soċjali u mill-FSE.

4.11   Fis-snin li ġejjin ser tiżdied il-mobilità interna taċ-ċittadini Ewropej u l-immigrazzjoni ta’ ħafna ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn l-Ewropa. Dawn il-proċessi ser iżidu d-diversità nazzjonali, etnika, reliġjuża u kulturali tal-Unjoni Ewropea.

4.12   Madankollu, l-Aġenda Soċjali Mġedda tqis biss b’mod limitat id-diversità tas-soċjetajiet Ewropej, l-integrazzjoni tal-immigranti u tal-minoranzi, it-trattament indaqs u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Il-KESE jemmen li r-reviżjoni tal-Aġenda Soċjali għal wara l-2010 għandha tagħti aktar importanza lill-effetti soċjali tal-immigrazzjoni, kemm fuq l-immigranti kif ukoll fuq is-soċjetajiet ospitanti.

4.13   Konsegwentement għandhom jissaħħu r-rabtiet bejn l-Aġenda Soċjali u l-integrazzjoni. Għal dan il-għan, il-KESE jipproponi li l-mainstreaming tal-integrazzjoni jiġi inkluż fid-diversi strumenti politiċi, leġiżlattivi u finanzjarji tal-UE sabiex tiġi promossa l-integrazzjoni.

5.   Xi oqsma ta’ politika

5.1   It-tfal u ż-żgħażagħ

5.1.1   Il-politiki taż-żgħażagħ għandhom jikkunsidraw il-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi tal-immigranti żgħażagħ fil-proċess tat-tranżizzjoni tagħhom għall-ħajja adulta u fl-integrazzjoni soċjali tagħhom.

5.1.2   Bosta żgħażagħ, ulied l-immigranti, jirnexxu mil-lat professjonali u jsiru ċittadini attivi ħafna fil-komunità tagħhom; però huma ħafna ż-żgħażagħ, inklużi dawk tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni, li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni vulnerabbli ħafna jew jesperjenzaw l-esklużjoni soċjali, u li jkollhom livelli għoljin ta’ falliment akkademiku u b’hekk riskju ikbar li ma jsibux impjieg.

5.1.3   L-appoġġ għall-familji huwa fundamentali; kif ippropona l-Kumitat (15), l-UE għandu jkollha politika tal-familja iktar attiva.

5.1.4   Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fi kwistjonijiet relatati maż-żgħażagħ għandu jinkludi indikaturi li jikkunsidraw il-perspettiva tad-diversità, l-immigrazzjoni u n-nondiskriminazzjoni.

5.1.5   Huwa importanti li wieħed jibbenefika mill-opportunitajiet li joffru l-programmi Ewropej għat-tagħlim tul il-ħajja, il-mobilità, l-ispirtu intraprenditorjali u ċ-ċittadinanza fost iż-żgħażagħ sabiex jingħelbu l-ostakli speċifiċi li jiffaċċjaw l-immigranti żgħażagħ, u jiġi promoss l-iskambju tal-esperjenzi.

5.2   L-edukazzjoni u t-taħriġ

5.2.1   Il-politiki ta’ integrazzjoni tal-Istati Membri jinkludu l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala elementi fundamentali fil-proċess. Madankollu, l-immigranti tfal u żgħażagħ, u l-minoranzi, jiffaċċjaw ostakli u sfidi speċifiċi li jirrikjedu attenzjoni partikolari.

5.2.2   F’ħafna każi ċ-ċentri edukattivi jkollhom tant problemi u sfidi li ma jkunux jistgħu jsolvuhom b’mod adegwat. Għandhom jittejbu r-riżorsi tal-iskejjel, li għandhom ikunu aktar miftuħa; u għandu jingħata appoġġ lill-għalliema fit-taħriġ interkulturali u l-ġestjoni tad-diversità.

5.2.3   Għandhom jiġu żviluppati indikaturi tal-kwalità tal-edukazzjoni li jkunu flessibbli biżżejjed biex jiġu adattati għall-bżonnijiet tal-istudenti, li qed ikunu dejjem iktar diversi.

5.2.4   Il-qafas provdut mill-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni għandu jservi biex jidentifika prattiki tajbin fir-rispons għall-falliment akkademiku fost iż-żgħażagħ minn sfond ta’ immigrazzjoni.

5.2.5   Dan ifisser li ser ikun hemm bżonn jiġu definiti indikaturi: bħall-istatus soċjoekonomiku; l-ikkompletar tal-istudji (skola obbligatorja) miż-żgħażagħ; id-diversità tal-għalliema; il-ħiliet interkulturali tal-għalliema; il-kapaċità tas-sistema edukattiva li tippermetti l-mobilità soċjali; il-konċentrazzjoni ta’ studenti minn sfond ta’ immigrazzjoni; il-promozzjoni tal-multilingwiżmu fis-sistema edukattiva; il-ftuħ tas-sistemi edukattivi għat-tfal u ż-żgħażagħ kollha, eċċ.

5.2.6   Fl-opinjoni tiegħu dwar il-migrazzjoni, il-mobilità u l-integrazzjoni (16), il-KESE enfasizza l-influwenza li għandha s-sitwazzjoni żvantaġġata tal-immigranti jew ta’ persuni minn sfond ta’ immigrazzjoni fuq l-edukazzjoni tal-adulti: jipparteċipaw inqas fit-taħriġ kontinwu, u l-korsijiet li jiġu offruti huma biss korsijiet għall-ksib ta’ ħiliet lingwistiċi. Sabiex tittejjeb l-integrazzjoni, it-taħriġ kontinwu għandu jiġu estiż għall-popolazzjoni kollha, b’enfasi fuq l-aċċess ugwali għall-persuni li jkunu ġejjin mill-immigrazzjoni.

5.2.7   Il-programmi edukattivi u ta’ taħriġ fl-Ewropa għandhom jinkludu skemi li jwasslu d-drawwiet, l-istorja, il-valuri u l-prinċipji tad-demokraziji Ewropej, kif ukoll l-għarfien tal-kultura u l-valuri tas-soċjetajiet tal-oriġini tal-popolazzjoni ta’ immigranti (meta n-numru tagħhom jippermetti dan).

5.3   L-impjieg

5.3.1   Il-KESE qed iħejji opinjoni esploratorja (17) mitluba mill-Presidenza Spanjola dwar “L-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti”, li tinkludi wkoll proposti għall-Aġenda Soċjali Ewropea.

5.3.2   L-aċċess għas-suq tax-xogħol huwa punt ewlieni, u huwa parti essenzjali mill-proċess tal-integrazzjoni għaliex l-impjiegi deċenti huma vitali għall-awtosuffiċjenza ekonomika tal-immigranti, u jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet soċjali u l-fehim reċiproku bejn is-soċjetà ospitanti u l-immigranti.

5.3.3   Madankollu, il-ħaddiema immigranti ta’ spiss isibu ruħhom żvantaġġati, u jħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Jiffaċċjaw ukoll diffikultajiet legali biex il-kwalifiki tagħhom jiġu rrikonoxxuti, waqt li xi leġiżlazzjonijiet tal-immigrazzjoni jirrestrinġu l-iżvilupp tal-karriera u l-bidla tal-attività.

5.3.4   Bħala riżultat, il-ħaddiema immigranti ta’ sikwit ikollhom impjiegi ta’ kwalità baxxa, b’inqas paga u kondizzjonijiet prekarji. In-nisa b’mod partikolari jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni diffiċli.

5.3.5   Dawk mingħajr dokumenti u f’sitwazzjoni irregolari jħabbtu wiċċhom mal-aktar kondizzjonijiet prekarji: jaħdmu f’impjieg informali u f’ċerti każi jisfaw vittmi tal-isfruttament fuq ix-xogħol.

5.3.6   Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ politiki tal-impjieg kif ukoll l-inizjattivi tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-programm Progress għandhom jinkludu kriterji u indikaturi speċifiċi għat-titjib tal-aċċess tal-immigranti għal opportunitajiet integrati ta’ dħul fl-isfera soċjali u tax-xogħol, inkluż li jimpjegaw lilhom innifishom. Dawn l-opportunitajiet jistgħu jinkludu, fost kwistjonijiet oħra u flimkien mat-taħriġ lingwistiku u kulturali, miżuri biex jissaħħaħ it-taħriġ tal-immigranti fl-oqsma tat-teknoloġiji l-ġodda u l-prevenzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol.

5.3.7   Il-KESE jemmen li l-leġiżlazzjoni u l-politiki pubbliċi għandhom jikkomplementaw lil xulxin permezz tal-kooperazzjoni tal-imsieħba soċjali, għaliex l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol hija wkoll kwistjoni tal-attitudini soċjali u tal-impenji min-naħa tat-trejdjunjins u ta’ min iħaddem.

5.3.8   Il-ħaddiema immigranti huma iktar lesti għall-mobilità, iżda xi leġiżlazzjonijiet nazzjonali jwaqqfuha u jirrestrinġuha. Id-Direttiva dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (18) (li ġiet trasposta b’mod ħażin f’xi leġiżlazzjonijiet nazzjonali) tista’ tiffaċilita l-mobilità. In-netwerk EURES jista’ jintuża wkoll b’mod iktar effettiv biex isaħħaħ il-mobilità tal-ħaddiema immigranti fl-UE.

5.4   L-ispirtu intraprenditorjali tal-immigranti

5.4.1   Ħafna drabi l-ħsieb tal-migrazzjoni jkun imsejjes fuq ix-xewqa li wieħed jaħdem għal rasu jew jiftaħ intrapriża. In-numru ta’ intrapriżi mwaqqfa minn persuni minn sfond ta’ immigrazzjoni qiegħed dejjem jiżdied.

5.4.2   Il-KESE jemmen li l-ispirtu intraprenditorjali tal-immigranti għandu jiġi appoġġjat mill-UE, u għalhekk l-istrumenti tal-FSE għall-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali għandhom iqisu l-popolazzjoni minn sfond ta’ immigrazzjoni.

5.4.3   Anke l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-kmamar tal-kummerċ għandhom jiftħu l-bibien tagħhom għall-intraprendituri minn sfond ta’ immigrazzjoni, u jippromovu b’mod attiv l-aċċess tagħhom għall-korpi li jmexxu.

5.4.4   Barra minn hekk, ħafna inizjattivi intraprenditorjali tal-immigranti jiġu żviluppati fi ħdan l-ekonomija soċjali, u għaldaqstant il-Kumitat jaħseb li jridu jiġu appoġġjati mill-istrumenti tal-FSE u l-awtoritajiet nazzjonali.

5.5   Il-protezzjoni soċjali

5.5.1   Fl-Ewropa jeżistu sistemi nazzjonali tal-pensjoni differenti. Għandu jiġi żgurat li l-ħaddiema immigranti jikkontribwixxu għas-sistemi tal-pensjoni u jkunu intitolati biex jirċievu l-benefiċċji korrispondenti mingħajr diskriminazzjoni.

5.5.2   Għandha tiġi garantita l-possibbiltà li jiġu ttrasferiti l-pensjonijiet sabiex tittejjeb il-mobilità; u għandu jiġi żgurat li fil-proċeduri ta’ ritorn jiġu rispettati d-drittijiet tal-pensjoni korrispondenti.

5.5.3   Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għandu jinkludi indikaturi biex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema immigranti jipparteċipawx fis-sistemi tal-pensjoni mingħajr esklużjoni jew diskriminazzjoni.

5.6   Id-djar

5.6.1   B’konsegwenza tal-kriżi ekonomika, f’ħafna bliet qed jikber in-numru ta’ persuni mingħajr saqaf fuq rashom u parti kbira minnhom huma persuni minn sfond ta’ immigrazzjoni.

5.6.2   Bħalissa ħafna nies, l-aktar żgħażagħ, qed jiffaċċjaw il-problemi u d-diffikultajiet biex ikollhom aċċess għal dar.

5.6.3   L-immigranti u l-minoranzi għandhom ukoll ħafna diffikultajiet speċifiċi biex ikollhom aċċess għal djar deċenti. Għaldaqstant, il-KESE jemmen li l-politika tad-djar tal-Istati Membri għandha tagħmel parti mill-politiki ta’ integrazzjoni, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

5.6.4   Ħafna Ewropej, inklużi l-immigranti u l-minoranzi, jgħixu f’ambjenti urbani. F’opinjoni oħra (7), il-KESE enfasizza r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-politiki ta’ integrazzjoni. Politika urbana tajba tista’ tinkoraġġixxi l-integrazzjoni u tevita li f’xi bliet jifformaw gettos urbani mitluqin.

5.6.5   Għaldaqstant, il-politiki tad-djar għandhom jinkludu kriterji, miżuri u indikaturi sabiex jitneħħew l-ostakli li jeżistu. Għal dan il-għan għandu jintuża approċċ proattiv li jinvolvi kull lat tas-soċjetà flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba soċjali.

5.7   Is-saħħa u servizzi oħrajn

5.7.1   F’xi Stati Membri, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, ħafna immigranti m’għandhomx aċċess għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u għaldaqstant qed ibatu minn nuqqas serju ta’ protezzjoni.

5.7.2   Is-sistema ta’ koordinazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa u l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandhom jiggarantixxu li l-popolazzjoni tal-immigranti jkollha aċċess għas-servizzi tas-saħħa pubbliċi u għall-kura tas-saħħa ta’ kwalità tajba b’kondizzjonijiet indaqs. Is-sistemi tal-kura tas-saħħa għandhom ikunu adattati għad-diversità soċjali.

5.7.3   Il-Kumitat jenfasizza li f’xi Stati Membri, il-parti l-kbira tal-persunal tal-kura tas-saħħa u ta’ dawk li joffru l-assistenza lill-persuni dipendenti huma immigranti.

5.7.4   Għandhom jissaħħu wkoll l-isforzi fil-qasam tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol, għaliex il-ħaddiema immigranti ta’ spiss ikunu esposti għal riskji kbar u ma jkunux jafu sew il-liġijiet u l-programmi ta’ prevenzjoni.

5.7.5   F’xi Stati Membri n-nies minn sfond ta’ immigrazzjoni m’għandhomx aċċess sħiħ għas-servizzi soċjali, u dawn is-servizzi mhumiex preparati għad-diversità tal-popolazzjonijiet. Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni tevalwa l-kwalità tas-servizzi pubbliċi mil-lat tal-integrazzjoni, id-diversità u n-nondiskriminazzjoni.

5.7.6   Il-KESE jemmen li l-immigranti m’għandhomx jiġu diskriminati fil-politiki tas-saħħa u fil-politiki soċjali għaliex huma jħallsu t-taxxi u l-kontributi soċjali bħall-bqija tal-popolazzjoni. Fil-kuntest attwali tal-kriżi ekonomika u tad-diffikultajiet baġitarji għandu jiġi żgurat li kulħadd iħallas it-taxxi u l-kontributi soċjali sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tas-servizzi pubbliċi.

5.8   Il-faqar u l-esklużjoni soċjali

5.8.1   Ħafna nies minn sfond ta’ immigrazzjoni jgħixu fil-faqar jew huma fil-periklu li jaqgħu fil-faqar. Il-kriżi ekonomika attwali, iż-żieda fil-qgħad u l-impjieg ta’ livell baxx qed jiggravaw dawn is-sitwazzjonijiet. Huwa essenzjali li n-nies minn sfond ta’ immigrazzjoni u l-minoranzi jkollhom aċċess għall-programmi ta’ riorjentazzjoni professjonali, għall-protezzjoni mill-qgħad, għad-djar u għas-servizzi soċjali pubbliċi l-oħra.

5.8.2   Fl-2010 l-UE ser tiċċelebra s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Esklużjoni u l-Faqar. Il-Kumitat jemmen li għandha tittejjeb l-inklużjoni attiva mmirata lejn l-immigranti u l-minoranzi, sabiex jiġu garantiti l-pagi minimi, jissaħħaħ l-aċċess għar-riżorsi u s-servizzi pubbliċi, u jkun hemm aċċess għas-suq tax-xogħol.

5.8.3   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-azzjonijiet ta’ xi netwerks kriminali li jisfruttaw lill-migranti irregolari b’rabta max-xogħol, b’mod partikolari fit-traffikar u l-prostituzzjoni tan-nisa u l-minorenni. Flimkien mal-pulizija u l-miżuri legali sabiex jiġu miġġielda dawn il-gruppi kriminali, irid ikun hemm politiki li jgħinu u jħarsu lill-vittmi.

5.9   Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni

5.9.1   Reċentement, il-Parlament Ewropew (19) adotta Riżoluzzjoni dwar id-Direttiva l-ġdida kontra d-diskriminazzjoni, li tikkomplementa t-tliet Direttivi (20) li diġà huma fis-seħħ. Il-KESE wkoll ħareġ opinjoni (21) u fiha approva l-proposta tal-Kummissjoni u rrakkomanda li titqies id-diskriminazzjoni multipla.

5.9.2   Meta tiġi adottata, id-Direttiva l-ġdida, li timplimenta l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ser testendi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni għal oqsma bħall-edukazzjoni, is-saħħa, il-protezzjoni soċjali u d-djar. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill jadotta din id-Direttiva fid-dawl tal-opinjoni tiegħu.

5.9.3   Il-persuni minn sfond ta’ immigrazzjoni, sew nisa, irġiel, anzjani jew żgħażagħ, ta’ sikwit jiffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni, li jiħraxu minħabba l-fatt li l-istatus legali ta’ dawn l-individwi bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi joffrilhom inqas protezzjoni legali. Ħafna nies jgħaddu minn sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni multipla.

5.9.4   Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tfassal Pjan ta’ Azzjoni kontra d-diskriminazzjoni multipla, u huwa lest jikkollabora fit-tfassil ta’ dan il-Pjan.

5.9.5   L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (22) għandha tkomlpi telabora r-rapporti tagħha dwar is-sitwazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta li jġarrbu ħafna immigranti.

5.10   L-ugwaljanza bejn is-sessi

5.10.1   In-nisa minn sfond ta’ immigrazzjoni għandhom diffikultajiet speċifiċi minħabba li huma nisa; għalhekk jeħtieġ li l-politiki ta’ integrazzjoni jinkludu perspettiva tas-sessi adegwata.

5.10.2   Il-KESE jemmen li kemm fil-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-integrazzjoni kif ukoll fl-Aġenda Soċjali hemm bżonn li jissaħħaħ l-approċċ ibbażat fuq is-sessi bil-għan li n-nisa immigranti u n-nisa li jagħmlu parti minn minoranza etnika jkollhom opportunijiet indaqs u ma jiġux diskriminati.

5.11   L-immigrazzjoni u l-iżvilupp

5.11.1   F’opinjonijiet oħra l-KESE ppropona (23) li l-politika tal-immigrazzjoni tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi tal-oriġini, u li konsegwentement l-UE għandha tagħmel il-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni iktar flessibbli.

5.11.2   Fil-kuntest tal-politika barranija, l-Unjoni Ewropea għandha tippromovi, fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, qafas leġiżlattiv internazzjonali għall-migrazzjoni u tiffirma l-Konvenzjoni (24) li hija fis-seħħ bħalissa.

6.   L-istrumenti tal-Aġenda Soċjali

6.1   Mainstreaming

6.1.1   Il-mainstreaming tal-integrazzjoni jimplika l-organizzazzjoni (l-organizzazzjoni mill-ġdid), l-iżvilupp u l-valutazzjoni tal-proċessi politiċi b’tali mod li l-perspettiva tal-integrazzjoni, l-opportunitajiet u t-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni tal-immigranti tiġi inkluża fl-objettivi, l-azzjonijiet u l-istrumenti kollha tal-Aġenda Soċajli, f’kull livell u f’kull stadju, mill-partijiet involuti kollha fl-adozzjoni tagħha.

6.1.2   Billi l-mudelli kulturali huma differenti fl-Unjoni Ewropea, l-applikazzjoni tal-“mainstreaming” għandha tiggarantixxi, f’qafas globali, l-integrazzjoni tal-esperjenzi, il-kompetenzi, l-interessi u l-ħtiġijiet tal-persuni mil-lat tal-integrazzjoni u d-diversità f’kull xorta ta’ inizjattiva, irrispettivament mill-ambitu soċjali tagħha, kif ukoll fil-valutazzjoni tal-azzjonijiet.

6.1.3   Il-proċess għandu jibda b’valutazzjoni tal-impatt li permezz tagħha jkunu jistgħu jiġu identifikati minn qabel il-ħtiġijiet, sabiex tiġi garantita l-integrazzjoni adegwata tad-diversità soċjali fl-oqsma previsti kollha. Għal dan il-għan, ikun siewi li jitħaffef il-proċess tad-definizzjoni tal-indikaturi tal-integrazzjoni, b’mod komplementari għal dawk koperti mill-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni għall-inklużjoni soċjali. Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni jista’ jgħin fit-tfassil ta’ dawn l-indikaturi.

6.1.4   Il-kriterji ewlenin għall-applikazzjoni tal-“mainstreaming” huma r-rwol mexxej tar-responsabbli politiċi u l-parteċipazzjoni tal-partijiet pubbliċi u privati kkonċernati. Għal dan il-għan għandu jitfassal qafas ta’ kooperazzjoni li permezz tiegħu jiġu żviluppati l-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex tinkiseb il-bidla.

6.2   Il-leġiżlazzjoni

6.2.1   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-kwalità tal-leġiżlazzjoni komuni Ewropea dwar l-immigrazzjoni għandha tittejjeb u li d-direttivi għandhom iħarsu b’mod adegwat lill-immigranti. Għal dan il-għan, il-KESE fassal opinjoni (25) fuq inizjattiva proprja li tipproponi li l-politiki u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-immigrazzjoni jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem.

6.2.2   Wara l-adozzjoni tal-Programm ta’ Stokkolma, il-KESE jemmen li ser ikun iktar faċli li jsir progress bl-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni u l-asil.

6.2.3   Il-leġiżlazzjoni l-ġdida kontra d-diskriminazzjoni li qed titħejja fuq il-bażi tal-Artikolu 13 tat-Trattat għandha tiġi kkunsidrata fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni.

6.3   Id-djalogu soċjali

6.3.1   L-imsieħba soċjali għandhom ir-responsabbiltà li jippromovu, permezz tad-djalogu u n-negozjar, it-trattament indaqs fil-kumpaniji. Il-KESE u d-Dublin Foundation kellhom seduta bħala parti mill-proċess tal-abbozzar tal-opinjoni (7). Il-konklużjonijiet ta’ din is-seduta, inklużi fl-Appendiċi 3, jistgħu jkunu siewja ħafna għall-imsieħba soċjali u għall-Kummissjoni, sabiex l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol issir f’kondizzjonijiet indaqs u mingħajr diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema mill-pajjiż ospitanti u l-immigranti.

6.3.2   Id-djalogu soċjali f’oqsma differenti jista’ jippromovi l-inklużjoni attiva tal-ħaddiema minn sfond ta’ immigrazzjoni u mill-minoranzi. Fil-qasam tan-negozju, huwa iktar faċli li tinkiseb il-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema minn sfond ta’ immigranti.

6.3.3   L-imsieħba soċjali Ewropej għandhom jiġu kkonsultati b’mod adegwat u għandhom jagħtu l-fehma tagħhom matul it-tħejjija tal-Aġenda Soċjali l-ġdida.

6.3.4   Il-Presidenza Spanjola tal-UE talbet lill-KESE jfassal opinjoni (26) esploratorja dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti. F’din l-opinjoni l-KESE ppropona għadd ta’ inizjattivi sabiex tittejjeb l-integrazzjoni fil-qasam tax-xogħol.

6.4   Id-djalogu ċivili

6.4.1   Flimkien mad-djalogu soċjali, id-djalogu ċivili huwa proċedura ta’ governanza eċċellenti li tagħmel parti mill-mudell soċjali Ewropew u, fil-fehma tal-KESE, huwa strument essenzjali għall-iżvilupp tal-Aġenda Soċjali Ewropea u għall-integrazzjoni.

6.4.2   Fil-livell Ewropew, hemm bżonn li fil-politika ta’ integrazzjoni u fl-Aġenda Soċjali tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili speċjalizzati fid-drittijiet tal-bniedem u l-għajnuna lill-immigranti u lill-minoranzi.

6.4.3   Il-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni għandu jiġi kkonsultat u għandu jipparteċipa b’mod attiv fit-tfassil tal-Aġenda Soċjali l-ġdida tal-UE.

6.4.4   L-Unjoni Ewropea għandha tkompli tħeġġeġ id-djalogu interkulturali, li jikkomplementa l-integrazzjoni u l-objettivi tal-politika soċjali.

6.5   Il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni

6.5.1   Kif ġie rakkomandat mill-Kummissjoni Ewropea u l-KESE, għandu jiġi stabbilit Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-politika tal-integrazzjoni.

6.5.2   Il-Kunsill iddeċieda li jtejjeb l-għamla attwali tal-koordinazzjoni u jagħti lill-Kummissjoni rwol iktar sostanzjali. Il-KESE jappoġġja din id-deċiżjoni, iżda jemmen li għandha tkun iktar ambizzjuża.

6.5.3   Dan il-metodu ta’ koordinazzjoni għandu jinkludi indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi speċifiċi, li jistgħu jitfasslu bil-kollaborazzjoni tal-KESE u tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni.

6.5.4   Id-diversi Metodi Miftuħa ta’ Koordinazzjoni li jeżistu fil-politika soċjali għandhom itejbu l-għanijiet u l-indikaturi tal-integrazzjoni fil-politiki tal-impjieg, il-protezzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

6.6   Il-finanzjament

6.6.1   Fil-fehma tal-Kumitat, is-sinerġiji u l-komplementarjetà bejn il-Fond Soċjali u l-Fond għall-Integrazzjoni għandhom jiġu żviluppati iktar.

6.6.2   Il-Fond Soċjali Ewropew huwa mmirat lejn dawk li għandhom diffikultajiet partikolari biex isibu xogħol, bħan-nisa, iż-żgħażagħ u l-ħaddiema avvanzati fiż-żmien. Jgħin ukoll lill-intrapriżi u lill-ħaddiema jadattaw ruħhom għall-bidliet li jġibu magħhom it-teknoloġiji l-ġodda u t-tixjiħ tas-soċjetà. L-FSE għandu jinkludi b’mod iktar sħiħ il-perspettiva tad-diversità li tkun ġejja mill-immigrazzjoni fl-għanijiet u l-programmi tiegħu matul il-programmazzjoni attwali (2007–2013) u fil-ġejjieni.

6.6.3   Wara l-2013 ser ikun hemm bżonn li r-riżorsi finanzjarji tal-Fond għall-Integrazzjoni jiżdiedu u li l-Kummissjoni tingħata aktar kompetenzi fil-ġestjoni.

6.6.4   Il-programm Progress, li għandu l-għan li jipprovdi appoġġ finanzjarju sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-impjieg u l-affarijiet soċjali, għandu jsaħħaħ ukoll l-integrazzjoni u d-diversità fost il-ħames oqsma ta’ azzjoni ewlenin: l-impjieg, il-protezzjoni u l-integrazzjoni soċjali, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, in-nondiskriminazzjoni u d-diversità, u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

7.   Ċittadinanza Ewropea iktar inklużiva

7.1   Id-demokraziji Ewropej huma soċjetajiet ħielsa u miftuħa, u għandhom ikunu msejsa fuq l-inklużjoni ta’ kulħadd. Il-politiki ta’ integrazzjoni u l-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni qatt m’għandhom jintużaw bħala skużi politiċi biex jiġu esklużi l-immigranti u l-minoranzi mid-dritt għaċ-ċittadinanza.

7.2   Il-KESE jemmen li l-bażi tad-demokraziji tagħna għandha titwessa’ biex tinkludi ċittadini ġodda bi drittijiet u obbligi ndaqs. Id-drittijiet taċ-ċittadinanza nazzjonali u Ewropea għandhom jinkludu d-diversità fl-għamliet kollha tagħha, mingħajr diskriminazzjoni.

7.3   Il-KESE jfakkar il-proposta li għamel f’opinjoni oħra (27) sabiex iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tingħata liċ-ċittadini ta’ pajjiż terzi li jkollhom status ta’ resident għat-tul. Il-Kumitat jipproponi li l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iqisu din il-proposta fl-objettivi tagħhom għall-mandat il-ġdid tagħhom.

7.4   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta inizjattiva ġdida għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza ċivika taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tippromovi l-parteċipazzjoni soċjali u politika tagħhom.

8.   Il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida

8.1   Fid-dawl tal-objettiv tal-integrazzjoni, il-KESE jemmen li mhuwiex sew li fil-Kulleġġ il-ġdid tal-Kummissarji l-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni jiġu koperti mill-istess dipartiment li jieħu ħsieb is-sigurtà, filwaqt li nħoloq portafoll separat għall-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali.

8.2   L-irbit tal-immigrazzjoni mas-sigurtà jibgħat messaġġ negattiv lis-soċjetà Ewropea u lill-immigranti, li jmur kontra l-ewwel prinċipju bażiku komuni għall-integrazzjoni, jiġifieri n-natura bidirezzjonali tagħha. L-Ewropa hija miżgħuda b’wisq messaġġi li juru l-immigrazzjoni bħala reat!

8.3   Jista’ jitwassal messaġġ favur l-integrazzjoni billi l-immigrazzjoni u l-asil jitqiegħdu fil-portafoll tal-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali, kif jipproponi l-Kumitat.

8.4   F’dan il-kuntest, huwa partikolarment neċessarju li jissaħħaħ il-“mainstreaming” tal-integrazzjoni fl-Aġenda Soċjali u fil-politiki Komunitarji l-oħra, b’mod speċjali fejn jidħlu d-difiża u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-immigranti.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2008) 758 finali.

(2)  ĠU C 125, 27.5.2002 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Il-kwistjonijiet tal-integrazzjoni u dawk tal-Aġenda Soċjali huma kompetenzi ta’ Kummissarji u Direttorati Ġenerali differenti.

(4)  Eurostat.

(5)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin:

ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91.

ĠU C 120, 16.5.2008, p. 82.

(6)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE li ġejjin:

ĠU C 27, 3.2.2009, p. 95.

ĠU C 125, 27.5.2002, p. 112 (mhux disponibbli bil-Malti).

ĠU C 80, 30.3.2004, p. 92 (mhux disponibbli bil-Malti).

ĠU C 318, 23.12.2006, p. 128 (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  ĠU C 318, 23.12.2006, p. 218 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  ĠU C 125, 27.5.2002, punt 1.4 (relatur: is-Sur Pariza Castaños) (mhux disponibbli bil-Malti).

(9)  Konferenza dwar l-“Immigrazzjoni: ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-integrazzjoni”, Brussell, id-9 u l-10 ta’ Settembru 2002.

(10)  Dokument 14615/04 tad-19 ta’ Novembru 2004.

(11)  COM(2008) 412 finali.

(12)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 65.

(13)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 99.

(14)  2008/2330 (INI).

(15)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 66 u ĠU C 120, 16.5.2008, p. 66.

(16)  ĠU C 218, 11.9.2009, p. 85.

(17)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti.

(18)  Direttiva 2003/109/KE.

(19)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ April 2009 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

(20)  Direttiva 2000/43/KE; Direttiva 2004/113/KE; Direttiva 2000/78/KE.

(21)  ĠU C 182, 4.8.2009, p. 19 u ĠU C 77, 31.3.2009, p. 102.

(22)  L-istħarriġ EU-MIDIS (Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-minoranzi u d-diskriminazzjoni) li sar fost iktar minn 23 000 persuna li jagħmlu parti minn minoranzi etniċi u grupp ta’ immigranti dwar l-esperjenzi tagħhom marbuta mad-diskriminazzjoni, delitti għal raġunijiet razzjali u azzjonijiet tal-pulizija fl-UE.

(23)  ĠU C 44, 16.2.2008, p. 91.

(24)  Il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti.

(25)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 29.

(26)  Opinjoni esploratorja tal-KESE dwar l-integrazzjoni tal-ħaddiema immigranti, relatur: is-Sur Pariza Castaños.

(27)  Opinjoni fuq inizjattiva proprja, ĠU C 208, 3.9.2003 (mhux disponibbli bil-Malti).


18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/28


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impatt tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi (ir-reġjun tal-Karibew)”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 347/04)

Relatur: Is-Sur COUPEAU

Nhar is-26 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-impatt tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi (ir-reġjun tal-Karibew).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2010.

Matul l- 460 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’mod unanimu.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, iffirmat fil-15 ta’ Ottubru 2008 bejn il-15-il Stat Membru tal-Forum tal-Istati tal-AKP (1) tal-Karibew (2) u l-UE għandu ambitu partikolarment wiesa’. Madankollu, hemm għadd ta’ fatturi li, għalkemm imsemmija fil-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, ixekklu l-objettivi ta’ integrazzjoni reġjonali, ta’ żvilupp sostenibbli kif ukoll ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati tal-CARIFORUM u r-reġjuni ultraperiferiċi. Għalkemm ir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom tradizzjoni Ewropea twila, ġeografikament, storikament, kulturalment u ekonomikament huma marbutin mal-Istati tal-CARIFORUM. Il-pożizzjoni strateġika tagħhom tippermettilhom jistabbilixxu relazzjonijiet kummerċjali dejjiema mal-gżejjer ġirien, u dan jagħmilhom l-ewwel reġjuni Ewropej li huma kkonċernati mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika.

1.2   Il-KESE jagħraf il-kumplessità tan-negozjati, ir-riskji potenzjali u l-opportunitajiet li jirrappreżenta l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika kemm għall-Istati tal-CARIFORUM kif ukoll għar-reġjuni ultraperiferiċi u, b’mod aktar ġenerali, għall-UE.

1.3   Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li jiġu kkonsultati l-awtoritajiet lokali tar-reġjuni ultraperiferiċi fid-diskussjonijiet kollha dwar il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-CARIFORUM. Għalkemm dawn ir-reġjuni ultraperiferiċi huma wkoll Dipartimenti Franċiżi fl-Amerika, u għalhekk huma differenti mill-Istati tal-CARIFORUM, jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom biex tiġi stabbilita integrazzjoni reġjonali ġenwina.

1.4   Il-KESE jemmen li huwa importanti wkoll li s-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali tar-reġjuni ultraperiferiċi jiġu involuti fid-dibattiti u d-diversi kumitati ta’ segwitu li jitwaqqfu bil-għan li jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika sabiex jinkiseb l-objettiv ta’ integrazzjoni reġjonali li fuqu huwa bbażat dan il-Ftehim.

1.5   L-integrazzjoni gradwali tal-Istati tal-CARIFORUM fl-ekonomija dinjija ma tistax tirnexxi sakemm ma tinstabx soluzzjoni għad-diffikultajiet tat-trasport (l-infrastrutturi u l-mezzi ta’ trasport). Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tqiegħed il-kwistjoni tat-trasport f’perspettiva usa’ u tikkunsidra aktar mill-qrib is-soluzzjonijiet konkreti proposti mill-Istati tal-CARIFORUM u r-reġjuni ultraperiferiċi flimkien.

1.6   Bil-għan li jiġu promossi r-relazzjonijiet kummerċjali fir-reġjun tal-Karibew, il-KESE jirrakkomanda lill-partijiet ikkonċernati biex jikkunsidraw tnaqqis minn qabel fid-dazji doganali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati tal-CARIFORUM.

1.7   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika kkunsidra sew il-bżonn li tiġi stabbilita proċedura ċara dwar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda li r-reġjuni ultraperiferiċi jiġu inklużi fl-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji biex jitħeġġeġ il-kummerċ intrareġjonali u fin-negozjati dwar l-arranġamenti bilaterali. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li dawn ir-reġjuni ultraperiferiċi jingħataw l-isem ta’ “reġjun ultraperiferiku” sabiex jiddistingwu l-prodotti tagħhom permezz tal-kwalità u l-konformità mal-istandards tal-KE.

1.8   Il-KESE jirrakkomanda b’mod espliċitu li jiġu ġestiti ż-żoni tas-sajd u l-akkwakultura tar-reġjuni ultraperiferiċi bi ftehim mal-Istati tal-CARIFORUM.

1.9   Fl-aħħar, il-KESE jirrakkomanda li s-servizzi jiġu strutturati b’mod aktar effettiv biex tinħoloq industrija ġenwina tat-turiżmu fil-Karibew.

1.10   Il-KESE huwa attent ħafna li l-kunċetti tal-ħarsien tal-ambjent u l-protezzjoni soċjali jiġu inklużi fil-Ftehim u għandu jkun jista’ jagħti analiżi prospettiva għar-reġjun kollu.

2.   Introduzzjoni u kummenti ġenerali

2.1   L-Artikoli 349 u 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxu l-ispeċifiċità tar-reġjuni ultraperiferiċi. Fl-1986, il-Kummissjoni Ewropea waqqfet grupp interdipartimentali għar-reġjuni ultraperiferiċi inkarigat mill-koordinazzjoni tal-azzjonijiet Komunitarji favur dawn ir-reġjuni u biex iservi ta’ intermedjarju mal-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali kkonċernati. Mill-1989 ’l quddiem, dawn ir-reġjuni bbenefikaw minn programm speċifiku bil-għan li jiġu appoġġjati miżuri soċjoekonomiċi għal konverġenza mtejba mal-bqija tal-UE.

L-Artikolu 239 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-CARIFORUM iqis il-viċinanza ġeografika tar-reġjuni ultraperiferiċi tar-reġjun tal-Karibew (Martinique u l-Gwadelup) u tal-Istati tal-CARIFORUM biex “jissaħħu r-rabtiet ekonomiċi u soċjali bejn dawn ir-reġjuni u l-Istati tal-CARIFORUM, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex speċifikatament [sic] jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fl-oqsma kollha koperti minn dan il-Ftehim kif ukoll jiffaċilitaw il-kummerċ fi prodotti u f servizzi, jippromwovu l-investiment u jinkoraġġixxu konnessjonijiet ta’ trasport u ta’ komunikazzjoni bejn l-aktar reġjuni mbiegħda u l-Istati tal-CARIFORUM.” Dan l-Artikolu jipprovdi wkoll għall-parteċipazzjoni konġunta tal-Istati tal-CARIFORUM u tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-programmi qafas u azzjonijiet speċifiċi f’oqsma koperti mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika.

2.2.1   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tat-“Territorji Olandiżi extra-Ewropej” li huma l-gżejjer Bonaire, Curaçao, Saba, Sint Eustatius, Sint Maarten u Aruba u li jinsabu fir-reġjun tal-Karibew. Madankollu, mill-perspettiva Ewropea, dawn il-gżejjer huma “pajjiżi u territorji extra-Ewropej” u dan jiddistingwihom legalment mir-reġjuni ultraperiferiċi tar-reġjun tal-Karibew. Minkejja dan, il-KESE jixtieq jenfasizza li l-integrazzjoni reġjonali kif maħsuba mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika ma tistax tinkiseb jekk ma tikkunsidrax aktar it-territorji marbuta mal-Istati Membri tal-UE (il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit u Franza).

2.3   Il-KESE ried janalizza l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ dan il-Ftehim fuq ir-reġjun tal-Karibew u b’mod partikolari fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi. L-għan hu li tiġi determinata l-effikaċja, fil-perijodu qasir u fit-tul, tal-isforzi għal integrazzjoni reġjonali fir-rigward ta’ merkanzija, servizzi, kooperazzjoni u governanza ekonomika tajba permezz ta’ oqsma relatati mal-kummerċ (kompetizzjoni, investiment, proprjetà intellettwali, eċċ.).

L-integrazzjoni reġjonali fis-sens wiesa’ tal-kelma (Strateġija Ewropea għar-reġjuni ultraperiferiċi) hija waħda mill-objettivi ewlenin tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika iżda hija wkoll objettiv importanti fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi f’perspettiva ta’ inklużjoni reġjonali. Madankollu, hemm għadd ta’ fatturi li huma inklużi fil-Ftehim li jxekklu, minn naħa, l-integrazzjoni reġjonali u, mill-oħra, l-effikaċja tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika.

2.4.1   In-nuqqas li l-kunsilli reġjonali u l-kunsilli ġenerali tar-reġjuni ultraperiferiċi jiġu kkonsultati fil-qafas tan-negozjati tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika dgħajjef ir-rwol tagħhom fil-Karibew. Dawn il-kunsilli għandhom ċertu esperjenza fis-setturi “offensivi” u “difensivi” (3) tar-reġjuni ultraperiferiċi u, bis-saħħa tal-kumitati reġjonali ta’ tmexxija, jistgħu jiddikjaraw ir-riżultati tal-istudji tagħhom f’kull ħin; l-États généraux de l’outre-mer (Assemblea leġiżlattiva tad-dipartimenti extra-Ewropej), stabbilita fuq inizjattiva tal-gvern Franċiż, tipprovdi ħafna soluzzjonijiet għall-ostakli għall-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. Barra minn hekk, minħabba l-viċinanza ġeografika u kulturali tagħhom, dawn l-istituzzjonijiet diġà stabilixxew għadd ta’ rabtiet mal-Istati tal-CARIFORUM.

2.4.2   Il-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi mhumiex preżenti fil-Kumitat CARIFORUM-KE għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, fil-Kumitat Parlamentari CARIFORUM-KE u speċjalment fil-Kumitat Konsultattiv CARIFORUM-KE jnaqqas l-influwenza tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li d-diversi kumitati ta’ segwitu msemmija hawn fuq jinkludu, skont il-każ, membri parlamentari, membri tas-soċjetà ċivili kif ukoll rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali mir-reġjuni ultraperiferiċi.

2.4.3   In-nuqqas ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili tar-reġjuni ultraperiferiċi, li ta’ kuljum tiffaċċja diffikultajiet biex tagħmel kummerċ mal-Istati tal-Karibew (infrastrutturi, kwoti, “listi negattivi”), ixekkel l-iskambji diretti mas-soċjetà ċivili tal-Istati tal-CARIFORUM.

2.4.4   Il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex iħeġġu lir-reġjuni ultraperiferiċi jidħlu bħala osservaturi f’istituzzjonijiet reġjonali tal-Karibew, bħall-CARIFORUM jew l-OECS (4). Fil-fatt, għadd ta’ deċiżjonijiet li jinvolvu r-reġjun tal-Karibew jittieħdu fi ħdan dawn il-korpi u sakemm ir-reġjuni ultraperiferiċi mhux ser ikunu preżenti, lanqas bħala osservaturi, ma jistgħux jidħlu fl-ambjent reġjonali tagħhom b’mod ġenwin.

2.5   It-trasport

2.5.1   Il-KESE jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi ma tistax iseħħ mingħajr il-mezzi tat-trasport u l-infrastrutturi adatti. Ir-reġjun tal-Karibew m’għandux biżżejjed mezzi ta’ trasport. Għalkemm jeżistu żewġ kumpaniji tal-ajru u żewġ kumpaniji marittimi li jittrasportaw il-persuni bejn il-gżejjer, dawn ma jipprovdux servizz regolari u t-trasportazzjoni tal-merkanzija mhijiex garantita. Minkejja l-allokazzjoni speċifika ta’ EUR 275.6 miljun iddedikati għar-reġjuni ultraperiferiċi (il-Gwadelup, Martinique u l-Gujana) bħala kumpens għall-ispiża addizzjonali minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, ir-reġjuni ultraperiferiċi tar-reġjun tal-Karibew jiffaċċjaw problemi minħabba l-ispejjeż għoljin wisq tal-merkanzija u leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-kabotaġġ li mhijiex adatta għall-gżejjer.

2.5.2   Biex jegħlbu dawn id-diffikultajiet, ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati tal-CARIFORUM ħasbu f’sistema ta’ ġarr tal-merkanzija jew ta’ laneċ. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ fondi meħtieġa, dawn il-proġetti ma setgħux jitkomplew.

2.5.3   L-Artikolu 37 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika jirreferi għat-trasport f’kapitolu dwar l-agrikoltura u s-sajd iżda ma jipprovdix soluzzjonijiet ċari filwaqt li r-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati tal-CARIFORUM diġà kienu ħasbu f’soluzzjonijiet konġunti.

2.5.4   Ta’ min jikkunsidra li fil-qafas tal-programm tal-FEŻ li jmiss tiġi implimentata politika strutturali ambizzjuża bil-għan li tiġi stabbilita sistema tat-trasport adatta għall-gżejjer fir-reġjun kollu tal-Karibew.

2.6   Ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim ċivili u kummerċjali mhijiex koperta mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. F’każ li jinqala’ tilwim bejn intrapriża li tagħmel parti mill-CARIFORUM u intrapriża oħra minn reġjun ultraperiferiku m’hemm l-ebda dispożizzjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti ta’ ġurisdizzjoni, il-kunflitti legali jew il-proċedura ta’ exequatur. Il-Ftehim jipprovdi biss soluzzjonijiet għal tilwim minħabba l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. Madankollu, fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, ikun propizju li jiġu previsti possibbiltajiet legali li jikkorrespondu mal-ambitu ta’ ftehim bħal dan.

3.   Kummenti partikolariAnaliżi tar-reġjun tal-Karibew

3.1   L-Agrikoltura

Il-banana hija frotta prodotta fi kwantitajiet kbar fir-reġjun tal-Karibew u hija waħda mir-riżorsi ekonomiċi ewlenin tar-reġjuni ultraperiferiċi. B’aktar minn 10 000 impjieg, l-esportazzjoni tal-banana tirrappreżenta 14 % u 24 % rispettivament tal-esportazzjoni tal-Gwadelup u ta’ Martinique lejn l-Unjoni Ewropea. Il-banana għandha importanza ekonomika u soċjali fir-reġjuni ultraperiferiċi. L-Unjoni Ewropea minn dejjem kienet konxja tal-isfida strateġika tal-produzzjoni tal-banana: il-programm ta’ għajnuna tal-POSEI, approvat mill-Kummissjoni Ewropea fit-22 ta’ Awwissu 2007, jipprevedi pakkett finanzjarju annwali ta’ EUR 129.1 miljun għal dawn ir-reġjuni ultraperiferiċi. Madankollu, jidher li din l-għajnuna mhijiex biżżejjed peress li, apparti l-problemi marbuta mal-kundizzjonijiet meterjoloġiċi, il-banana tar-reġjuni ultraperiferiċi hija mhedda mill-fornituri tal-“banana tad-dollari” li s-sehem tas-suq tagħhom fl-UE laħaq 73.4 % wara l-liberalizzazzjoni tas-suq (skont l-ODEADOM (5)). Barra minn hekk, fil-15 ta’ Diċembru 2009, l-UE ffirmat ftehim mal-pajjiżi produtturi tal-Amerika Latina bil-għan li jonqsu d-dazji doganali fuq il-banana minn EUR 176 għal EUR 114 għal kull tunnellata sal-2017. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi u ta’ xi Stati tal-CARIFORUM hija aktar prekarja.

3.1.1.1   Il-banana tirrappreżenta wkoll interess partikolari ħafna għall-Istati l-oħra tal-CARIFORUM. Pereżempju, f’Dominika l-banana biss tirrappreżenta 18 % tal-PDG u timpjega 28 % tal-forza tax-xogħol. Il-kriżi fis-settur tal-banana ma tolqotx biss lir-reġjuni ultraperiferiċi. Fil-fatt f’Santa Luċija llum il-ġurnata hemm biss 2 000 bidwi li jikkoltiva l-banana meta mqabbel mal-10 000 fl-1990.

3.1.1.2   Il-KESE jemmen li jkun ta’ benefiċċju li titwaqqaf organizzazzjoni professjonali inter-Karibew bil-għan li tagħti lill-UE sehem akbar fid-distribuzzjoni tal-banana tal-Karibew. Dan ikun partikolarment siewi peress li xi Stati tal-CARIFORUM (perżempju Santa Luċija, Dominika, eċċ) jipprovdu l-banana lill-pajjiżi oħra (bħall-Kanada, eċċ) li għandhom standards sanitarji u ta’ traċċabbiltà simili għal dawk tal-UE.

3.1.2   Il-kannamiela u r-rum: is-settur tal-kannamiela jaqdi rwol importanti ħafna fir-reġjuni ultraperiferiċi – ikopri 32 % u 13 %, rispettivament, taż-żona agrikola użata għall-biedja fil-Gwadelup u f’Martinique, u jimpjega aktar minn 6 500 persuna full-time. Fl-2006-2007, Martinique ipproduċiet 5 849 tunnellata zokkor filwaqt li l-Gwadelup ipproduċiet 80 210 tunnellata. Il-produzzjoni tar-rum, li f’Martinique hija ta’ 79 352 EAP (6) u fil-Gwadelup 74 524 EAP, hija ta’ importanza strateġika sinjifikanti għall-kummerċjalizzazzjoni barra r-reġjuni ultraperiferiċi.

Il-frott u l-ħaxix mhumiex sfruttati biżżejjed bħala riżorsi meta wieħed iqis ir-rikezza tal-ħamrija tar-reġjuni ultraperiferiċi. Madankollu għandu jiġi nnotat li r-reġjuni ultraperiferiċi għażlu li jiddiversifikaw il-produzzjoni agrikola tagħhom. Fl-2006, il-Gwadelup ipproduċiet 17 218-il tunnellata frott u Martinique ipproduċiet 8 666 tunnellata. Fl-istess sena, il-Gwadelup ipproduċiet 43 950 tunnellata ħaxix frisk u Martinique ipproduċiet 37 892 tunnellata. Barra minn hekk, il-Gwadelup tipproduċi pjanti aromatiċi u pjanti li jintużaw fis-settur tal-fwieħa (vanilla), kafè, kawkaw, ħwawar, pjanti mediċinali (żona ta’ 179 ettaru użata għall-biedja) u Martinique tipproduċi prinċipalment ananas u xi ħwawar (żona ta’ 105 ettaru użata għall-biedja). Għaldaqstant, dan huwa settur agrikolu għall-futur peress li dawn ir-reġjuni ultraperiferiċi jixtiequ jkollhom aktar skambji mal-pajjiżi l-oħra tal-Karibew f’termini ta’ kummerċ reġjonali u internazzjonali tal-prodotti kif ukoll ta’ riċerka u żvilupp.

3.1.3.1   L-għan ta’ din id-diversifikazzjoni huwa li tiġi sodisfatta kompletament id-domanda interna għall-ikel (awtosuffiċjenza) peress li l-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi hija ddominata mill-kultivazzjoni tal-banana u tal-kannamiela għall-esportazzjoni. Pereżempju, fl-2008 l-importazzjoni tal-laħam tal-majjal żdiedet b’10 % f’Martinique u b’68.2 % fil-Gwadelup. Barra minn hekk, il-ħaxix jirrappreżenta 67 % tal-importazzjoni totali tal-prodotti friski fil-Gwadelup. Biex ikunu awtosuffiċenti, il-bdiewa tar-reġjuni ultraperiferiċi dan l-aħħar għażlu li jwaqqfu organizzazzjonijiet interprofessjonali li jiġbru fihom l-atturi fis-setturi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar agrikolu, il-fornituri u d-distributuri. B’hekk il-katina kollha hija rrappreżentata u kull membru għandu rwol importanti x’jaqdi fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali (7). Madankollu, din is-sistema legali ma teżistix fil-ġżejjer ġirien li n-nuqqas ta’ organizzazzjoni tippenalizzahom fil-kummerċ agrikolu mar-reġjuni ultraperiferiċi.

3.1.4   Ostakli għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati tal-CARIFORUM

3.1.4.1   L-agrikoltura hija fil-qalba tal-għajxien u l-iżvilupp tar-reġjun u għaldaqstant hija settur “difensiv” għar-reġjuni ultraperiferiċi. It-tħassib ewlieni tar-reġjuni huwa marbut mas-sigurtà alimentari, in-nuqqas ta’ infrastrutturi u d-dazji doganali li jillimitaw il-kummerċ reġjonali u l-protezzjoni soċjali.

3.1.4.2   Fir-rigward tas-sigurtà alimentari, il-produzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-Istati tal-CARIFORUM ma tissodisfax kompletament il-leġiżlazzjoni Ewropea. Għalkemm jintużaw il-metodi HACCP (8), il-produzzjoni ta’ dawn l-Istati ma tissodisfax l-istandards tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Il-kwistjoni hija aktar delikata peress li r-reġjuni ultraperiferiċi m’għandhomx ċerti prodotti li huma disponibbli fi kwantitajiet kbar fl-Istati tal-CARIFORUM.

3.1.4.3   L-Artikolu 40 tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika jistipula li fir-rigward tas-sigurtà alimentari, f’sitwazzjonijiet li jagħtu jew jistgħu jagħtu lok għal “diffikultajiet kbar”, il-partijiet ikkonċernati jistgħu japplikaw il-klawżola ta’ salvagwardja. Madankollu, jista’ jkun diffiċli li r-reġjuni ultraperiferiċi jkollhom aċċess għal din il-possibbiltà fi żmien qasir. Barra minn hekk, il-miżuri sanitarji u fitosanitarji tal-Ftehim (9) għandhom l-għan li jistabbilixxu standards intrareġjonali dwar il-miżuri sanitarji u fitosanitarji, b’konformità mal-istandards tad-WTO, sabiex jarmonizzaw il-miżuri ma’ dawk tal-UE permezz ta’ arranġamenti bilaterali dwar ir-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-miżuri sanitarji u fitosanitarji. Madankollu, ir-reġjuni ultraperiferiċi li jirrispettaw il-leġiżlazzjoni Ewropea mhux dejjem jingħataw l-isem ta’ “reġjun ultraperiferiku” għall-prodotti agrikoli u tas-sajd tagħhom kif talbu f’bosta okkażjonijiet il-KESE (10), l-awtoritajiet lokali (11) u l-Membri tal-Parlament Ewropew (12). Fl-aħħar, ir-reġjuni ultraperiferiċi ma jagħmlux parti mill-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tal-miżuri sanitarji u fitosanitajri bil-għan li jiġi ffaċilitat il-kummerċ intrareġjonali u lanqas mhuma involuti fin-negozjati b’rabta mal-arranġamenti bilaterali.

3.1.4.4   Għaldaqstant il-KESE jaqbel mal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet għall-kummerċjalizzazzjoni “kemm għall-kummerċ bejn l-Istati tal-CARIFORUM u bejn il-Partijiet, kif ukoll għall-identifikazzjoni tal-possibbiltajiet għat-titjib tal-infrastruttura tal-kummerċjalizzazzjoni u tat-trasport” (Artikolu 43(2)(b)). Il-Ftehim jispeċifika wkoll li l-identifikazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ finanzjament u ta’ kooperazzjoni għall-produtturi u għan-negozjanti tagħmel parti mill-objettivi ewlenin fil-qasam tal-agrikoltura u s-sajd.

3.1.4.5   Għadd ta’ prodotti pproċessati (ġamm, kafè, eċċ.) fir-reġjuni ultraperiferiċi jiġu ppenalizzati minn “listi negattivi” (dazji doganali) fid-dwani ta’ xi pajjiżi oħra tal-Karibew u dan jagħmel il-bejgħ ta’ dawn il-prodotti aktar diffiċli f’dawn il-pajjiżi. Minkejja l-Artikolu 9 u dawk li jsegwu tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika dwar id-dazji doganali u fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tar-reġjuni ultraperiferiċi fi ħdan il-Karibew u tal-ispeċifiċitajiet tagħhom rikonoxxuti fl-Artikoli 349 u 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-KESE jirrakkomanda lill-partijiet ikkonċernati biex jikkunsidraw inaqqsu d-dazji doganali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati tal-CARIFORUM bil-għan li jippromovu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom fir-reġjun tal-Karibew.

3.2   Is-sajd

3.2.1   Għad baqa’ progress sostanzjali xi jsir fir-rigward tas-sajd peress li ma ntlaħaqx ftehim inizjali dwar jekk is-sajd għandux jagħmel parti minn ftehim separat jew jekk għandux jagħmel parti mill-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. Il-Komunità Ewropea rrifjutat li tindirizza l-kwistjonijiet marbuta mas-sajd reġjonali fi ftehim separat u ppreferiet tikkonkludi ftehimiet bilaterali dwar l-aċċess għas-sajd.

3.2.2   Fl-Artikolu 43(2)(e), il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika jipprovdi għajnuna lill-operaturi tal-CARIFORUM biex jikkonformaw mal-istandards tekniċi, sanitarji, u ta’ kwalità nazzjonali, reġjonali u internazzjonali fis-seħħ għall-ħut u l-prodotti tal-ħut.

3.2.3   L-objettiv tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), huwa li tiffavorixxi viżjoni fit-tul tal-ġestjojni tas-sajd. Il-PKS hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni bil-għan li jiġu protetti u konservati r-riżorsi bijoakkwatiċi u jonqos kemm jista’ jkun l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar. Madankollu, ir-reġjun tal-Karibew inġenerali mhuwiex fl-istess sitwazzjoni peress li r-reġjuni ultraperiferiċi għadhom soġġetti għal leġiżlazzjoni riġida ħafna (żoni ta’ interdizzjoni totali tas-sajd, regolamentazzjoni dwar is-sajd tal-awwista, tal-bronja reġina u tar-rizzi, tagħmir biex jinġabar il-ħut (13), eċċ.) għall-kuntrarju tal-Istati l-oħra tal-CARIFORUM. Il-ġestjoni tas-sajd hija trasferita lil kull Stat Membru iżda ma tqisx il-partikolaritajiet tar-reġjun tal-Karibew u dan jippenalizza s-sajd fil-baħar fond f’dan ir-reġjun.

3.2.4   Għaldaqstant il-KESE jirrakkomanda li s-sajd fil-baċir tal-Karibew jiġi ġestit b’konformità mal-Istati tal-CARIFORUM.

3.3   L-akkwakultura

3.3.1   Is-sajd fil-Karibew jikkonċerna b’mod partikolari l-ispeċi qrib il-kosta: il-bronja (gasteropodu kbir tal-baħar li l-laħam tiegħu jintuża ħafna fl-ikel lokali), iċ-ċerna, l-awwista, l-isnapper kif ukoll bosta speċi oħra li jgħixu fis-sikek tal-qroll. Is-sajd tar-riżorsi pelaġiċi għadu jibda minħabba n-nuqqas ta’ bastimenti li jistadu fil-fond u l-problemi marbuta mal-ilmijiet tropikali.

3.3.2   Dawn l-aħħar snin, id-domanda tas-swieq lokali kibret bis-saħħa tal-industrija tat-turiżmu. Barra minn hekk, jeħtieġ li wieħed isemmi wkoll l-inċentivi għall-esportazzjoni lejn is-swieq Amerikani u Ewropej li jwasslu għal sajd żejjed u li, eventwalment, ser jikkawża tnaqqis sostanzjali fl-istokkijiet tal-ħut fir-reġjun kollu.

3.3.3   Illum il-ġurnata kważi l-pajjiżi kollha fir-reġjun tal-Karibew jimportaw prodotti tal-baħar. Preċedentement, peress li l-istokkijiet tal-ħut kienu abbondanti ma kienx hemm interess fl-akkwakultura u l-maġġoranza tal-pajjiżi tar-reġjun ma kellhomx tradizzjonijiet partikolari ta’ akkwakultura. Barra minn hekk, minkejja ż-żjieda fl-akkwakultura madwar id-dinja, ir-reġjun tal-Karibew bilkemm żviluppa l-akkwakultura tiegħu.

3.3.4   Kien biss wara l-2000 li seħħ titjib ġenwin fl-akkwakultura. Fl-2004, il-produzzjoni tal-akkwakultura f’Martinique kienet ta’ 97 tunnellata (10 tunnellati gambli kbar tax-xmajjar, 12-il tunnellata John Dory u 75 tunnellata pixxitanbur aħmar tal-Karibew).

3.3.5   L-għajnuna li ngħatat lir-reġjuni ultraperiferiċi għall-akkwakultura essenzjalment ġiet mill-kunsilli reġjonali u l-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (SFGS) (14). Madankollu, jidher li din l-għajnuna mhijiex biżżejjed peress li xi Stati tal-Karibew avvanzaw b’mod sinjifikanti (il-FAO stmat li l-produzzjoni fil-Ġamajka fl-2002 kienet ta’ 6 000 tunnellata) u wkoll minħabba l-fatt li din l-għajnuna ma teliminax il-bżonn li r-reġjuni ultraperiferiċi jimportaw prodotti tal-baħar mill-Venezwela, mill-Unjoni Ewropea u minn ċerti pajjiżi Asjatiċi.

3.3.6   Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li tiġi żviluppata akkwakultura komuni fir-reġjun tal-Karibew permezz ta’ għajnuna bħall-FEŻ u l-FAEŻR.

3.4   It-turiżmu

3.4.1   It-turiżmu huwa sors ta’ dħul importanti għar-reġjuni ultraperiferiċi. Ir-reġjun tal-Karibew jinsab f’pożizzjoni vantaġġuża. L-ambjent naturali tiegħu għat-turiżmu ma jista’ jitqabbel mal-ebda reġjun ieħor fid-dinja. Il-pożizzjoni ġeografika tiegħu hija unika u dan jagħmlu wieħed mill-iktar swieq turistiċi importanti fid-dinja. Barra minn hekk, meta wieħed jikkunsidra s-suq turistiku dinji, il-prodotti turistiċi taż-żewġ naħat tal-Atlantiku qed joħolqu standards ġodda aktar eżiġenti bil-għan li jissodisfaw l-aspettattivi tat-turisti li jżuru r-reġjun tal-Karibew.

3.4.2   Madankollu, il-KESE għandu jenfasizza d-differenzi marbuta mal-infrastrutturi turistiċi li jeżistu bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati l-oħra tal-Karibew li jenfasizzaw ħafna fuq turiżmu għall-massa u turiżmu aktar diversifikat (it-turiżmu tal-kruċieri, it-turiżmu nawtiku u sa ċertu punt l-ekoturiżmu) filwaqt li r-reġjuni ultraperiferiċi huma limitati għal turiżmu speċjalizzat, aktar staġonali u prinċipalment frankofonu. Din id-differenza hija possibbli minħabba s-sitwazzjoni soċjali kemxejn prekarja li jinsabu fiha l-ħaddiema tal-Istati tal-CARIFORUM.

3.4.3   Il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll li t-turiżmu bejn il-gżejjer huwa limitat. Fil-fatt, apparti t-turiżmu tal-kruċieri, hemm biss żewġ kumpaniji tal-ajru u żewġ kumpaniji marittimi li jiżguraw is-servizz bejn il-gżejjer tal-Karibew. Barra minn hekk, meta l-abitanti ta’ Stat tal-CARIFORUM ikunu jixtiequ jżuru r-reġjuni ultraperiferiċi ġirien ikollhom japplikaw għal viża li jfisser li jkollhom jistennew bosta xhur qabel ma jkunu jistgħu jivvjaġġaw. Flimkien, dawn iż-żewġ elementi jillimitaw it-turiżmu iżda wkoll ir-relazzjonijiet kummerċjali reġjonali.

3.4.4   Il-KESE jinsab kuntent li l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika jqis is-servizzi turistiċi billi jistabbilixxi għadd ta’ regoli dwar il-prevenzjoni ta’ prattiki li jmorru kontra l-kompetittività, l-SMEs, l-istandards kwalitattivi u ambjentali, il-kooperazzjoni u l-għajnuna teknika. Madankollu, m’hemm l-ebda dispożizzjoni li tirreferi għat-turiżmu fil-Karibew b’mod partikolari fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi; il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika jirreferi biss għall-preżenza temporanja ta’ persuni fiżiċi għal raġunijiet professjonali.

3.4.5   Madankollu, iż-żona tal-Karibew, kif definita mis-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti (15) tinkludi 250 miljun abitant u fil-gżejjer tal-Karibew biss hemm 41 miljun abitant. Madankollu, din iż-żona hija kkaratterizzata wkoll bħala żona b’interkonnessjonijiet diffiċli bejn il-gżejjer u dan ma jippromovix it-turiżmu reġjonali. Għaldaqstant, ikun ta’ ħsara kemm għar-reġjuni ultraperiferiċi kif ukoll għall-Istati tal-CARIFORUM li jitilfu l-opportunità ta’ suq turistiku tal-Karibew fis-sens wiesa’ tal-kelma.

3.4.6   Il-KESE jemmen li jista’ jkun ta’ profitt li tinħoloq żona ta’ turiżmu tal-Karibew billi s-servizzi jiġu strutturati b’mod aktar effettiv.

3.5   Is-servizzi

3.5.1   Il-kummerċ fil-qasam tas-servizzi qed jiżdied: is-suċċess ta’ dan is-settur huwa reali u għalhekk huwa settur “offensiv” għar-reġjuni ultraperiferiċi. Filwaqt li s-sehem tal-esportazzjoni tal-merkanzija fl-ekonomija tal-Karibew naqas, is-sehem tal-esportazzjoni tas-servizzi żdied, prinċipalment minħabba t-turiżmu. Ir-reġjun huwa totalment konxju tal-potenzjal li jirrappreżenta l-kummerċ fis-settur tas-servizzi. It-turiżmu, l-assigurazzjoni, il-kostruzzjoni, is-servizzi ambjentali, l-enerġiji rinnovabbli, il-konsulenza (kwalità u marketing), il-manutenzjoni kkwalifikata, il-komunikazzjoni, u t-trasport huma kollha setturi li jippromovu l-kummerċ u t-tkabbir ekonomiku fir-reġjun.

3.5.2   Il-KESE jemmen li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-esportazzjoni tas-servizzi fir-reġjun tal-Karibew peress li pajjiżi bħall-Ħaiti u r-Repubblika Dominikana, li waħedhom jirrappreżentaw ftit inqas minn 20 miljun abitant, jixtiequ jakkwistaw servizzi tas-saħħa jew servizzi għan-negozju skont il-mudell tar-reġjuni ultraperiferiċi. Barra minn hekk, fir-rigward tat-telefonija mobbli xi operaturi diġà huma preżenti f’xi Stati tal-Karibew (ir-Repubblika Dominikana) iżda jistgħu, u jixtiequ, jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom.

3.5.3   Minkejja l-Artikolu 75 u dawk li jsegwu tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika li jkopru biss il-kummerċ bejn l-Istati tal-CARIFORUM u l-UE kontinentali, il-liberalizzazzjoni aċċellerata tas-servizzi fil-Karibew (ir-Repubblika Dominikana) inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi tista’ twassal sabiex kull parti tal-ftehim tkun tista’ tapprofitta minn ċerti opportunitajiet u tinħoloq sitwazzjoni fejn kulħadd joħroġ rebbieħ.

3.6   SME/SMI

3.6.1   L-SMEs u l-SMIs għandhom bżonn ambjent stabbli b’regoli trasparenti u aċċess għall-aktar proċessi avvanzati. Mill-2000 ’il quddiem, tliet kwarti tal-intrapriżi li jikkostitwixxu s-sinsla ekonomika tar-reġjuni ultraperiferiċi huma negozji żgħar mingħajr impjegati (INSEE (16)). Fl-2007, kien hemm żieda qawwija fin-numru ta’ negozji li ġew stabbiliti L-industrija (18 %), il-bejgħ bil-grossa u l-bejgħ bl-imnut (12.8 %) iżda fuq kollox is-servizzi (ftit aktar minn nofs in-negozji l-ġodda li ġew stabbiliti) żdiedu b’mod konsiderevoli.

3.6.2   L-SMEs/SMIs fid-dipartimenti extra-Ewropej bla dubju ser iġarrbu spejjeż u prezzijiet ogħla mill-pajjiżi ġirien iżda joffru wkoll garanziji ta’ kwalità skont l-istandards tal-KE. Dawn il-garanziji imposti fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi, li l-Istati tal-CARIFORUM ma japplikawx, għandhom jingħataw l-isem ta’ “reġjun ultraperiferiku” (ara wkoll punt 3.1.4.3).

3.6.3   B’mod ġenerali, il-KESE jemmen li jkun ta’ benefiċċju kbir li jitjieb l-aċċess għal dan it-tip ta’ struttura għal funzjonament tajjeb tas-suq tal-Karibew. Għaldaqstant, abbażi ta’ ħidma konġunta li twettqet mill-Kummissjoni (17) u l-KESE (18) fi ħdan l-UE, ikun adatt li jiġu proposti soluzzjonijiet konkreti favur il-ħolqien ta’ intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni ta’ skadenzi għall-ħlas, it-tnaqqis tal-piżijiet burokratiċi, il-ħolqien ta’ netwerks, l-investiment kif ukoll it-taħriġ tul il-ħajja fl-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju huma strumenti li jwasslu għal kompetittività dejjiema fir-reġjun tal-Karibew.

3.6.4   Għalhekk, jeħtieġ li fil-qafas tal-programm ta’ żvilupp reġjonali u/jew tal-FEŻ li jmiss tiġi implimentata politika ambizzjuża bil-għan li tippromovi l-ħolqien ta’ SMEs/SMIs f’netwerk mar-reġjun kollu tal-Karibew.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-Istati tal-AKP huma d-79 Stat fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku li ffirmaw il-Ftehim ta’ Lomé fl-1975 u l-Ftehim ta’ Kotonù fl-2000.

(2)  Ħaiti ssieħbet f’dan il-Ftehim fil-11 ta’ Diċembru 2009.

(3)  Il-kumitati konsultattivi tar-reġjuni ultraperiferiċi stabbilixxew għadd ta’ setturi fejn għandhom sehem sinjifikanti tas-suq u li huma ta’ importanza ewlenija għall-ekonomiji tagħhom (setturi “offensivi”) u setturi oħra li jinsabu f’periklu u li mingħajr l-għajnuna tal-UE jistgħu jintilfu b’rata mgħaġġla ħafna (setturi “difensivi”).

(4)  Organisation of the Eastern Caribbean States (Organizzazzjoni tal-Istati tal-Lvant tal-Karibew): organizzazzjoni reġjonali li tiġbor fiha disa’ stati tal-Karibew.

(5)  L-uffiċċju għall-iżvilupp tal-ekonomija agrikola tad-dipartimenti extra-Ewropej (ultramarittima).

(6)  Ettolitru ta’ alkoħol pur.

(7)  L-IGUAFLHOR hija l-organizzazzjoni interprofessjonali fil-Gwadelup għall-frott, il-ħaxix u l-ortikultura.

(8)  Hazard Analysis and Critical Control Point (Analiżi tal-Perikli u l-Punti ta’ Kontroll Kritiċi): sistema ta’ kontroll awtomatiku li oriġinat fl-Amerika, tintuża fil-qasam agroalimentari u hija bbażata fuq seba’ prinċipji fundamentali. Hija sistema li tidentifika, tevalwa u tiġġestixxi l-perikli sinjifikanti fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel. Din is-sistema hija inkluża f’xi leġiżlazzjonijiet Ewropej (Direttiva 93/43 dwar l-iġjene tal-ikel) u mhux f’oħrajn (Regolament Nru 178/2002).

(9)  Artikolu 52 u dawk li jsegwu tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika.

(10)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 72.

(11)  États généraux de l’outre-mer (Assemblea leġiżlattiva tad-dipartimenti extra-Ewropej).

(12)  Pereżempju Madeleine Degrandmaison MEP.

(13)  Memo tad-Direttorat Ġenerali għall-politiki interni tal-Unjoni dwar is-sajd f’Martinique, Jannar 2007.

(14)  Strument strutturali ta’ orjentazzjoni tas-sajd għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni biex it-tagħmir tas-settur jiġi adattat u mmodernizzat.

(15)  Iż-żona tal-Karibew tinkludi l-Antilles (Greater Antilles u Lesser Antilles), il-peniżola tal-Yucatán, il-kosta tal-Karibew tal-Amerika Ċentrali, kif ukoll il-kosta tal-Kolombja, il-Venezwela u x-Shield tal-Gujana.

(16)  Istitut Nazzjonali tal-Istatistika u l-Istudji Ekonomiċi.

(17)  COM (2007) 724 finali u COM (2008) 394 finali.

(18)  Opinjoni dwar “Id-diversi miżuri ta’ politika, minbarra finanzjament xieraq, li jgħinu t-tkabbir u l-iżvilupp tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju”, ĠU C 27, 3.2.2009, p. 7; opinjoni dwar “L-akkwist pubbliku internazzjonali”, ĠU C 224, 30.8.2008, p. 32; Opinjoni dwar il-“Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: ‘Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir’ – ‘Att dwar in-Negozji ż-Żgħar’ għall-Ewropa”, ĠU C 182, 4.8.2009, p. 30.


18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/34


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-istrateġija tal-ġejjieni għall-industrija tal-ħalib għall-perijodu 2010-2015 u wara”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 347/05)

Relatur: is-Sur ALLEN

Nhar is-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-istrateġija tal-ġejjieni għall-industrija tal-ħalib tal-UE għall-perijodu 2010-2015 u wara

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Jannar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’152 vot favur, 6 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-industrija tal-ħalib tal-UE għandha rwol ta’ importanza strateġika fuq medda twila ta’ żmien fil-provvista ta’ prodotti tal-ħalib siguri u ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini tal-UE. L-UE ma għandha qatt issir dipendenti minn provvisti ta’ ħalib li jiġu minn barra l-UE. Trid tkompli żżomm l-ogħla standards ta’ benesseri tal-annimali, iġjene, traċċabbilità, mediċina tal-annimali, ħarsien tal-ambjent u produzzjoni sostenibbli.

1.2   Il-bdiewa ser ikomplu jipproduċu ħalib ta’ kwalità tajba sakemm ikun jirrendilhom (iżda dan mhux għal żmien twil jekk ma jkunx jirrendilhom). Il-produzzjoni tal-ħalib fl-UE ser tonqos u tispiċċa għalkollox minn ċerti żoni sakemm ma nistabbilizzawx il-prezzijiet u dawn jiggarantixxu profitt. Iż-żoni żvantaġġati għandhom bżonn ta’ attenzjoni speċjali. Il-produtturi tal-ħalib għandhom jirċievu wkoll kumpens finanzjarju talli jfornu biedja multifunzjonali, jiġifieri “servizzi pubbliċi mhux kummerċjali” peress li jżommu u jiżviluppaw l-art rurali, il-bijodiversità, l-ambjent naturali u l-arti u l-kultura rurali. Fl-Istati Membri l-ġodda, għandha titqies il-possibblità ta’ pagamenti diretti akkoppjati għall-produtturi tal-ħalib.

1.3   Iridu jiġu ddedikati ħafna riżorsi għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u t-trobbija tal-bhejjem sabiex jiġi assigurat li l-industrija tal-ħalib issir aktar effiċjenti fil-livell tal-biedja u fil-livell tal-ipproċessar. Dan għandu jinkludi użu aħjar tal-ħaxix u tal-għalf fil-livell tal-biedja kif ukoll prodotti ġodda fil-livell tal-ipproċessar. Iż-żewġ livelli jeħtieġu teknoloġija ġdida u aħjar. Huwa importanti li jkun hemm investiment kbir biex jiġi żviluppat is-settur sabiex l-UE issir il-mexxejja dinjija f’dan il-qasam.

1.4   Huwa fundamentali li tiġi evitata l-instabilità fil-prezzijiet kif irreġistrata fl-2007/2008. Din trid tinkiseb bl-użu ta’ miżuri adegwati ta’ sostenn flimkien ma’ monitoraġġ tajjeb tas-suq sabiex jiġi assigurat bilanċ raġonveoli bejn il-provvista u d-domanda.

1.5   L-UE għandha l-għażla li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni tas-suq billi tuża s-sistema tal-kwoti u sistemi oħra ta’ organizzazzjoni tas-suq (għall-inqas sal-2015).

1.6   B’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2009, għandu jiġi żviluppat u implimentat pjan ta’ direzzjoni sabiex tinstab ir-raġuni għala l-prezzijiet tal-konsum baqgħu 14 % ogħla meta mqabbla mal-perijodu ta’ qabel iż-żjieda fil-prezzijiet tal-ħalib. Irid ikun hemm it-trasparenza fil-katina tal-ikel kollha.

1.7   Sabiex tiġi assigurata l-vijabilità tal-industrija tal-ħalib tal-UE wara l-2015, ser jibqa’ jkun hemm bżonn ta’ għadd ta’ miżuri ta’ politika agrikola flimkien ma’ sistema ta’ xibka ta’ sikurezza bl-għan li ssostni u tistabbilizza l-prezzijiet b’mod li la jitħallew jinżlu inqas minn ċertu livell u lanqas ikunu esposti għal varjazzjonijiet eċċessivi, u jipprovdu wkoll ħażniet suffiċjenti ta’ riżervi sabiex jiġu koperti nuqqassijiet jew diżastri naturali li ma jistgħux jitbassru. Hija essenzjali sistema b’miżuri tas-suq relatati mal-provvista u d-domanda sabiex tiġi assigurata industrija tal-ħalib sostenibbli u ekoloġika għall-perijodu ta’ wara l-2015. L-ikel inġenerali u l-ħalib b’mod partikolari huma wisq importanti għall-benesseri taċ-ċittadini sabiex jispiċċaw bħala kapriċċi ta’ sistema tas-suq li tkun ħielsa u bla kontroll.

2.   Daħla

2.1   Il-produzzjoni tal-ħalib hija waħda mill-attivitajiet agrikoli prinċipali fl-UE. Fl-2008, miljun produttur ipproduċew 150 miljun tunnellata ħalib b’valur ta’ aktar minn EUR 40 biljun, li jissarrfu f’14 % tal-valur tal-produzzjoni agrikola tal-UE. Aktar minn 60 % tal-laħam prodott fl-UE jiġi mill-imrieħel tal-baqar għall-ħalib. Skont il-figuri mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ħalib, l-UE hija l-akbar produttur tal-ħalib b’27 % tal-produzzjoni dinjija, segwita mill-Indja b’20 % u mill-Istati Uniti b’16 %.

2.2   Is-settur tal-ħalib, mill-ġbir tiegħu sal-ipproċessar, jimpjega madwar 400 000 persuna fl-UE.

2.3   Il-produzzjoni tal-ħalib taqdi rwol importanti ħafna fiż-żamma tal-istruttura ekonomika u soċjali fiż-Żoni Żvantaġġati. Fil-fatt, 60 % tal-imħaleb fl-UE25 jinsabu f’dawn iż-żoni. Il-produzzjoni tal-ħalib hija waħda mill-aktar attivitajiet adegwati sabiex tmantni l-familji f’dawn iż-żoni u flimkien mat-trobbija tal-baqar u n-ngħaġ taqdi rwol prinċipali fiż-żamma u l-iżvilupp tal-pajsaġġ u l-ambjent.

3.   Il-kuntest

3.1   F’dawn l-aħħar sentejn, is-swieq tal-ħalib globali raw varjazzjonijiet importanti fil-prezzijiet. Fl-2007 u fil-bidu tal-2008, il-prezzijiet globali tal-prodotti bażiċi tal-ħalib irreġistraw żjieda fenomenali, li wasslet għal żjieda sostanzjali fil-prezzijiet tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib. Dan kien sewgit matul it-tieni nofs tal-2008 b’roħs aktar drammatiku f’dawn il-prezzijiet.

3.2   Il-maġġoranza tal-prodotti tal-ħalib jiġu kkonsmati fir-reġjun fejn jiġu prodotti. Madwar 8 % tal-produzzjoni globali tal-ħalib tispiċċa fis-suq dinji u konsegwentament bidla żgħira fil-produzzjoni globali tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikanti s-suq dinji. Pereżempju, qabża ta’ 2 % bejn il-produzzjoni globali u l-konsum globali hija ekwivalenti għal madwar 25 % tal-kummerċ dinji tal-ħalib.

3.3   Minkejja li l-UE hija l-akbar esportatur tal-ġobon, huma l-prodotti bażiċi, fi kliem ieħor il-ħalib tat-trab u l-butir, li jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-esportazzjonijiet tal-ħalib barra l-UE. Fil-fatt, is-suq dinji tal-ħalib jista’ jiġi deskritt prinċipalment bħala suq tal-prodotti bażiċi tal-ħalib.

3.4   Peress li l-UE hija awtosuffiċjenti b’109 % fir-rigward tal-prodotti tal-ħalib, id-9 % żejda jistgħu jiġu esportati fuq is-suq dinji. Il-prodotti prinċipali esportati mill-UE huma l-butir/żejt tal-butir, il-ħalib xkumat tat-trab, il-ġobon, il-ħalib sħiħ tat-trab u l-ħalib magħqud.

3.5   Il-konsum globali tal-prodotti tal-ħalib ilu jikber b’medja ta’ 2,5 % kull sena sa mill-2000. Dan issa naqas għal 1 % kull sena.

3.6   Bejn l-2004 u l-2006, il-konsum globali tal-prodotti tal-ħalib kien aktar mill-produzzjoni b’konsegwenza li ntużaw ir-riżervi kollha. Din kienet ir-raġuni prinċipali għaż-żjieda mhux mistennija fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi tal-ħalib fuq is-suq dinji. Sa mill-2008 din is-sitwazzjoni nqalbet b’riżultat li l-produzzjoni issa hija aktar mit-talba.

3.7   Iż-żjieda mhux mistennija fil-prezzijiet tal-ħalib eventwalment ipprovokat tnaqqis fis-sehem tas-suq hekk kif il-konsumaturi qalbu għal sostituti orħos u, b’mod speċjali peress li l-ingredjenti tal-ħalib ġew issostitwiti minn alternattivi orħos. Ir-riċessjoni globali u r-roħs fil-prezzijiet taż-żejt wasslu għal aktar tnaqqis fil-bejgħ tal-prodotti tal-ħalib. Il-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt huma importaturi kbar tal-prodotti tal-ħalib u roħs fil-prezzijiet taż-żejt tfisser tnaqqis fl-importazzjonijiet tagħhom tal-prodotti tal-ħalib u dan jista’ jwassal għal inżul fil-prezzijiet globali tal-prodotti tal-ħalib.

3.8   Filwaqt li ċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib b’valur għoli huwa iktar diffiċli biex jiġi segwit milli dak tal-prodotti bażiċi, huwa ovvju li naqas il-bejgħ tal-prodotti tal-ħalib b’valur miżjud peress li l-konsumaturi qalbu għal prodotti irħas.

3.9   Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni qalet li ż-żjieda fil-prezzijiet fit-tieni nofs tal-2007 pprovokat żjieda mgħaġġla fil-prezzijiet tal-ħalib u żjieda qawwija fil-prezzijiet tal-konsum. Bil-kontra, it-tnaqqis fil-prezzijiet fit-tieni nofs tal-2008/2009 li wassal għal tnaqqis fil-prezz tal-butir b’39 %, il-ħalib xkumat tat-trab b’49 %, il-ġobon bi 18 % u l-ħalib b’31 %, wassal għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-konsum ta’ madwar 2 % biss (medja tal-UE). Fil-fatt, il-prezzijiet tal-konsum baqgħu madwar 14 % ogħla minn kif kienu qabel iż-żjieda fil-prezzijiet. Madankollu, f’dawk il-pajjiżi li għandhom bejgħ għoli ta’ prodotti tal-ħalib lill-bejjiegħa li jbiegħu bl-irħis raw “gwerra tal-prezzijiet” fl-2009 peress li l-prodotti tal-ħalib jintużaw sabiex jikkompetu ma’ bejjiegħa oħra. (1)

3.10   Ir-razzjonalizzazzjoni fi ħdan is-settur tal-kummerċ bl-imnut tal-UE li dejjem qiegħed isir aktar intensiv wassal biex dan is-settur jiġi mogħni b’poter ta’ negozjar li ma jistax jitqabbel mal-bqija tal-katina tal-provvista tal-ikel. Il-bdiewa spiċċaw jaċċettaw il-prezzijiet minflok jistabbilixxuhom, speċjalment meta l-provvista tal-ħalib tkun iżjed mid-domanda. Meta jitqies kollox, jidher li l-awtoritajiet responsabbli għall-kompetizzjoni u r-regoli konnessi kienu aktar ta’ benefiċċju għad-distributuri l-kbar milli għall-miljun produttur tal-ħalib. Il-bdiewa jeħtieġu pożizzjoni aktar b’saħħitha ta’ negozjar fir-rigward tal-prezzijiet ta’ produzzjoni tal-ħalib b’tali mod li l-katina tal-ikel terġa’ ssib il-bilanc u l-ekwilibru.

3.11   Fl-Aġenda 2000, segwita mir-reviżjoni ta’ nofs it-term u l-Verifika tas-Saħħa li nħolqu biex jippreparaw l-Agrikoltura tal-UE għal ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li huwa possibbli fil-futur, tbaxxa l-prezz ta’ manipulazzjoni u, flimkien mar-restrizzjonijiet kwantitattivi għall-manipulazzjoni tas-suq, dan dgħajjef il-mekkaniżmu ta’ appoġġ lill-prezzijiet. Għalhekk il-prezzijiet tal-produzzjoni tal-ħalib niżlu għal livell inferjuri għal dak li kien qabel ma bdew jiffunzjonaw il-mekkaniżmi ta’ appoġġ bħall-manipulazzjoni.

4.   Prospetti għas-suq

4.1   Unjoni Ewropea

4.1.1   Fis-suq tal-ħalib tal-UE, il-produzzjoni taqbeż il-konsum b’9 %.

4.1.2   L-UE timporta wkoll prodotti tal-ħalib minn pajjiżi terzi b’tariffi mraħħsa. Dawn l-importazzjonijiet huma żgħar meta mqabbla mal-konsum totali tal-UE. Fil-fatt, fl-2007 u l-2008, l-UE importat madwar 330 000 u 300 000 tunnellata ta’ prodotti tal-ħalib rispettivament. Il-prodotti tal-ħalib importati fl-UE jinkludu l-ġobon (1.1 % tal-produzzjoni tal-UE), il-butir (4.3 % tal-produzzjoni tal-UE) u l-ħalib xkumat tat-trab (2.4 % tal-produzzjoni tal-UE). L-importazzjonijiet tal-prodotti tal-ħalib jammontaw bejn 2 % u 3 % tal-ekwivalenti f’ħalib mill-produzzjoni tal-ħalib fl-UE.

4.1.3   Sa 40 % tal-ħalib tal-UE jinbidel f’ġobon u madwar 30 % jintuża għal prodotti friski tal-ħalib. Dawn iż-żewġ tipi ta’ prodotti kienu l-muturi prinċipali taż-żjieda fil-konsum fi ħdan l-UE dawn l-aħħar għaxar snin. It-30 % li jibqa’ jinbidel f’butir, trab jew kaseina.

4.1.4   Il-ħażniet ta’ intervent tas-suq tal-butir u l-ħalib xkumat tat-trab kienu qegħdin jiżdiedu minħabba konsum aktar limitat fl-UE, ir-roħs fil-prezzijiet dinjija tas-suq u r-riċessjoni globali. Il-kwota tal-UE żdiedet b’2 % fl-2008 u b’1 % fl-2009 li, flimkien maż-żjieda fil-kwota fil-ġejjieni diġà deċiża, jistgħu jwasslu għal żjieda fil-produzzjoni tal-ħalib fl-UE.

4.1.5   L-użu tar-rimborżi għall-esportazzjoni evita li aktar ħażniet jimmanipulaw is-swieq waqt li l-manipulazzjoni kienet miftuħa.

4.1.6   L-azzjonijiet li ttieħdu mill-Kummissjoni wasslu sabiex il-prezzijiet tal-ħalib tal-UE ma jinżlux għal-livell tal-prezzijiet fuq is-suq dinji ta’ 14-15-il ċenteżmu ta’ euro kull litru. Il-prezzijiet tal-UE nżammu ogħla mill-prezzijiet globali. Fid-diversi Stati Membri, il-prezzijiet ivarjaw minn minimu ta’ 16-il ċenteżmu fil-Latvja għal 25/27 ċenteżmu ta’ euro għal kull litru f’ħafna Stati Membri oħrajn, li xorta jibqa’ taħt in-nefqa tal-produzzjoni. Liema parti oħra tas-soċjetà taħdem mingħajr ma titħallas jew għal dħul taħt il-paga minima legali?

4.1.7   Il-produzzjoni tal-ħalib attwalment tinsab 4,2 % taħt il-kwota u huwa mistenni li tibqa’ taħt il-kwota għall-2009/2010.

4.1.8   Iż-żjieda fil-prezzijiet tal-UE (li diġà bdiet) għandha tkun gradwali ħafna. L-eżistenza ta’ ħażniet sostanzjali ta’ manipulazzjoni li jheddu s-suq tista’ ddewwem l-irkupru skont jekk il-Kummissjoni tiddeċiedix li tirrilaxxa dawn il-ħażniet fis-suq.

4.1.9   It-tbiċċir tal-baqar żdied skont id-data tal-UE. Huwa probabbli li qegħdin jitbiċċru numru akbar ta’ baqar tal-ħalib, u dan iwassal għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħalib fil-futur immedjat. Madankollu, fuq il-perijodu qasir, iż-żjieda gradwali fil-prezzijiet tal-ħalib ser twassal għal żjieda fil-produzzjoni f’numru żgħir ta’ pajjiżi.

4.1.10   Hekk kif il-prezzijiet tal-ħalib jibqgħu jiżdiedu fuq il-perijodu medju, il-produzzjoni tal-ħalib ser tiżdied sal-2015 u probabbilment ser tipprogressa bl-istess ritmu taż-żjidiet fil-kwota kif ġew miftiehma fil-Verifika tas-Saħħa.

4.1.11   Huwa probabbli li titkompla t-tendenza tat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-ħalib fl-Ewropa tan-Nofsinhar u f’xi Stati Membri li jinsabu fit-Tramuntana.

4.1.12   Il-konsum tal-ġobon u tal-prodotti tal-ħalib friski Ewropej jidher li ser jibqa’ baxx minħabba prospetti limitati ta’ żjieda fid-dħul.

4.1.13   Il-Kummissjoni tbassar tnaqqis fil-butir żejjed sal-2015 minħabba tnaqqis fil-produzzjoni tal-butir u żjieda fil-produzzjoni tal-ġobon. Dan jiffaċilita t-tnaqqis, li kien mitlub, tar-rimborżi għall-esportazzjoni, suġġett li bħalissa qed jiġi indirizzat fin-negozjati tal-WTO.

4.1.14   Xi esperti tas-suq jemmnu li jista’ jibqa’ eċċess ta’ butir minħabba produzzjoni akbar ta’ prodotti tal-ħalib b’kontenut baxx ta’ xaħam u nuqqas ta’ żjieda fil-konsum tal-ġobon.

4.1.15   Il-prospettivi tas-suq fl-UE sal-2015 mhumiex ċerti iżda probabbilment ma jkunx hemm l-istess żjieda bħalma kien hemm f’dawn l-aħħar għaxar snin.

4.1.16   Fl-aħħar snin, is-suq tal-ħalib tal-UE kien milqut b’mod partikolari mill-problema tal-varjazzjoni kbira fil-prezzijiet. Din twassal għal problemi kbar għall-ażjendi li jipproduċu l-ħalib u tqajjem ukoll inċertezzi fil-konsumaturi minħabba tibdil ripetut fil-prezzijiet. Għalhekk hemm bżonn li, permezz ta’ miżuri adegwati, titrażżan din il-varjazzjoni għolja fis-swieq.

4.2   L-Istati Uniti tal-Amerika

4.2.1   Fl-Istati Uniti, fil-ħames snin ta’ qabel l-2008, il-produzzjoni tal-ħalib kienet qed tikber b’rata ta’ 2,5 % kull sena filwaqt li l-konsum kien qiegħed jiżdied b’1 % kull sena. L-Istati Uniti kellhom eċċess esportabbli annwali sa 5 miljun tunnellata. Id-dgħufija tad-dollaru Amerikan għen l-esportazzjonijiet.

4.2.2   Għall-industrija Amerikana tal-ħalib, il-perspettiva fuq medda qasira ta’ żmien mhijiex tajba. Kien hemm tnaqqis ta’ 1 % fil-produzzjoni fl-2009 u huwa mistenni aktar tnaqqis ta’ 1 % fl-2010. Fuq il-perijodu medju, huwa probabbli li jkun hemm xi tkabbir hekk kif il-prezzijiet tal-ħalib jibdew jiżdiedu u l-ispejjeż tal-għalf isiru aċċessibbli. Kwalunkwe żjieda fil-produzzjoni probabbilment tintuża għall-ġobon u tiġi kkunsmata fil-pajjiż stess.

4.2.3   Is-servizz tar-Riċerka Ekonomika tad-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti qiegħed ibassar li għall-2010 ser jogħlew il-prezzijiet tal-ħalib tal-Istati Uniti b’riżultat ta’ żjieda fit-tbiċċir tal-baqar tal-ħalib u żjieda fl-esportazzjonijiet tal-ħalib.

4.3   In-New Zealand

4.3.1   In-New Zealand hija l-akbar esportatur tal-ħalib fid-dinja. Il-produzzjoni tnaqqset b’madwar 3 % fl-2007/2008 li wasslet għal tnaqqis fl-esportazzjonijiet, filwaqt li fl-2008/2009 żdiedet bi 8 %. L-esperti jistennew tkabbir medju ta’ 3 % kull sena li għandu jerġa’ jonqos sal-2015. Peress li l-produzzjoni tan-New Zealend tiddependi mill-ħaxix, il-kondizzjonijiet tat-temp jistgħu jħallu impatt qawwi fuq il-livelli tal-produzzjoni.

4.3.2   S’issa, il-prezzijiet baxxi ma wasslux għal produzzjoni inqas fin-New Zealand. Fil-futur, minħabba użu akbar ta’ għalf ikkonċentrat u ta’ fertilizzant, huwa probabbli li jerġa’ jkun hemm prezzijiet baxxi li jwasslu għal nuqqas fiż-żjieda tal-produzzjoni tal-ħalib.

4.3.3   Il-kwistjonijiet ambjentali qegħdin isiru aktar importanti fin-New Zealand u dan ukoll jista’ jostakola t-tkabbir fuq il-perijodu fit-tul.

4.3.4   Huwa probabbli li l-esportazzjoni tal-ħalib tan-New Zealand ser tkompli tikber.

4.4   L-Amerika t’Isfel

4.4.1   L-Amerika t’Isfel qiegħda żżid l-importanza tagħha bħala esportatur tal-ħalib u probabbilment ser tikkompeti mal-UE fis-swieq Afrikani iktar milli man-New Zealand għas-swieq Asjatiċi. B’mod partikolari, l-eċċess esportabbli tal-Brażil wisq probabbli ser jitkompla sal-2015.

4.5   Iċ-Ċina

4.5.1   F’dawn l-aħħar għaxar snin kien hemm żjieda mgħaġġla fil-produzzjoni tal-ħalib taċ-Ċina iżda huwa probabbli li l-livell ta’ tkabbir jonqos matul l-għaxar snin li ġejjin. Il-produzzjoni Ċiniża ma kinitx daqs il-konsum iżda l-importazzjonijiet tal-ħalib fiċ-Ċina ma kienux daqshekk kbar bħalma kienu mbassra oriġinarjament.

4.5.2   Fuq medda medja ta’ żmien, huwa mistenni li l-importazzjonijiet Ċiniżi tal-ġobon u tal-ħalib xkumat tat-trab ser jiżdiedu kif għandhom jiżdiedu wkoll l-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-ħalib sħiħ tat-trab.

4.5.3   F’Diċembru 2009 kien hemm żewġ każijiet ġodda ta’ ħalib imniġġes bil-melamina u dan jista’ jolqot b’mod serju lill-esportazzjonijiet tal-ħalib Ċiniż.

4.6   Ir-Russja

4.6.1   Il-produzzjoni tal-ħalib fir-Russja hija mistennija li tirkupra matul il-ħames snin li ġejjin hekk kif il-baqar li jipproduċu ftit ħalib qegħdin jintbidlu ma’ baqar impurtati li jipproduċu aktar ħalib. Minħabba raġunijiet ta’ sigurtà alimentari, ir-Russja tixtieq titla’ minn 70 % għal 95 % tal-awtosuffiċjenza fil-prodotti tal-ħalib. Għall-2010 ġiet stabbilita mira għall-produzzjoni tal-ħalib ta’ 37 miljun tunnellata. Konsegwentement huwa possibbli li l-importazzjonijiet Russi tal-butir ser jonqsu mal-medda taż-żmien filwaqt li huwa mistenni li jiżdiedu l-importazzjonijiet tal-ġobon.

4.7   Il-prospettiva globali tas-suq dinji tindika tkabbir bil-mod, u dan ser jiddetermina, skont il-livell tal-irkupru ekonomiku globali, it-tkabbir fil-konsum, speċjalment fil-pajjiżi tat-Tielet Dinja.

4.8   L-aktar tkabbir fil-popolazzjoni fit-30 sena li ġejjin ser iseħħ fil-pajjiżi tat-Tielet Dinja u dan għandu jwassal għal domanda akbar għall-prodotti tal-ħalib. Madankollu, sakemm ma jkunx hemm tkabbir ekonomiku adegwat, dawn il-pajjiżi mhux ser ikunu jistgħu jixtru l-ammonti ikbar tal-prodotti tal-ħalib. Tradizzjonalment, il-prodotti tal-ħalib ma jagħmlux parti mid-dieta bażika fl-Asja u f’xi pajjiżi tat-Tielet Dinja.

4.9   Kwistjonijiet bħall-indikazzjonijiet dwar in-nutriment u s-saħħa fir-rigward tal-prodotti tal-ħalib ser ikunu essenzjali sabiex jinżamm u jiġi żviluppat is-sehem tas-suq għall-prodotti tal-ħalib. Ir-riċerka u l-innovazzjoni f’dawn l-oqsma huma essenzjali.

4.10   Huwa importanti li t-tikketta tindika li l-prodott huwa prodott tal-ħalib awtentiku u tispjega b’mod adegwat il-kwalitajiet nutrittivi u l-effetti fuq is-saħħa tal-konsumaturi. Il-konformità mar-regoli ambjentali ser ikollha importanza ikbar fil-futur għall-prodotti tal-ħalib.

5.   Grupp ta’ Livell Għoli

5.1   Il-Kummissarju Fischer Boel stabbilixxiet Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-ħalib li għandu joħroġ ir-rapport finali tiegħu sal-aħħar ta’ Ġunju 2010.

5.2   Dan il-Grupp ser jiddiskutu l-kwistjonijiet li ġejjin:

Ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-produtturi tal-ħalib u l-imħaleb bil-għan li jinstab bilanċ aktar effettiv bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-ħalib

X’jista’ jsir sabiex jissaħħaħ il-poter tan-negozjar tal-produtturi tal-ħalib?

It-trasparenza u l-informazzjoni lill-konsumaturi, il-kwalità u l-kwistjonijiet relatati mas-saħħa u t-tikkettar

L-innovazzjoni u r-riċerka bil-għan li s-settur isir aktar kompetittiv

Suq possibli ta’ futures għall-prodotti tal-ħalib.

6.   Inizjattiva Franko-Ġermaniża

6.1   Il-Ministru Franċiż għall-Agrikoltura is-Sur Le Maire ippreżenta tliet għanijiet prinċipali għall-agrikoltura Ewropea:

li jiġi garantit dħul stabbli u deċenti għall-bdiewa permezz ta’ strumenti regolatorji b’saħħithom;

li l-prezzijiet isiru aktar trasparenti fil-katina kollha tal-provvista tal-ikel, bil-ħatra eventwali ta’ awtorità Ewropea ta’ sorveljanza; kif ukoll

li l-innovazzjoni u l-investiment fis-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel għandhom jitqiegħdu fil-qalba tal-Aġenda ta’ Lisbona.

6.2   L-inizjattiva Franko-Ġermaniża titlob għal aktar azzjoni min-naħa tal-UE sabiex jiġu protetti l-produtturi tal-ħalib. Tissuġġerixxi li b’mod temporanju jiżdied il-prezz minimu ta’ intervent Komunitarju fejn l-UE tkun responsabbli għax-xiri tal-eċċess mingħand il-produtturi.

7.   Il-politika sal-2015

7.1   Il-Kummissjoni topponi totalment kwalunkwe bidla fiż-żjieda tal-kwoti kif deċiż mill-Verifika tas-Saħħa. Attwalment, dawn iż-żidiet ftit li xejn qegħdin iħallu impatt peress li l-UE tinsab 4,5 % taħt il-kwota u probabbilment ser tkun taħt il-kwota tagħha s-sena d-dieħla. Madankollu, hekk kif il-prezz tal-ħalib ikompli jiżdied fuq il-perijodu medju, il-produzzjoni ser tiżdied u żżid id-diskrepanza bejn il-produzzjoni tal-ħalib u l-konsum, bit-tendenza li jonqos il-prezz tal-produzzjoni minħabba s-sitwazzjoni tas-suq dinji.

7.2   Il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi tal-ħalib fis-suq dinji ġeneralment ikunu taħt il-prezz tal-UE; Dan jiddependi mill-istandards differenti li hemm ġewwa u barra l-UE, u għaldaqstant spejjeż tal-produzzjoni differenti wkoll. Il-mudell tal-UE tal-industrija tal-ħalib qatt mhu ser ikun jista’ jikkompeti man-New Zealand u ma’ xi pajjiżi oħra minħabba struttura totalment differenti tal-ispejjeż tal-materja prima u d-daqs tal-imħaleb.

7.3   L-esportazzjonijiet tal-ġobon mill-UE ġeneralment huma kompetittivi iżda żjieda fil-konsum barra l-UE tiddependi fuq tkabbir globali ekonomiku sostenibbli fuq perijodu ta’ żmien.

7.4   L-idea li jiżdiedu l-kwoti, irrispettivament mil-livell tad-domanda sabiex jinkiseb tnaqqis gradwali tal-attività ekonomika (“soft landing”) fin-nuqqas ta’ miżuri komplementari, hija kontradittorja jekk irridu niżviluppaw il-mudell Ewropew tal-biedja u nassiguraw li tinżamm il-produzzjoni tal-ħalib fiż-żoni żvantaġġati. Hemm bżonn ta’ ambjent rurali dinamiku u, f’ċerti żoni, il-produzzjoni tal-ħalib hija l-mutur prinċipali għall-futur soċjali, ekonomiċi u kulturali ta’ dawn iż-żoni. Il-possibbiltà l-oħra hija l-abbandun tal-art li jkollha konsegwenzi soċjali u ambjentali li jagħmlu l-ħsara.

7.5   Iż-żjieda fil-kwoti tal-ħalib irrispettivament mill-kondizzjonijiet tas-suq u finalment li titneħħa kull leġiżlazzjoni fis-settur tal-ħalib jagħmlu sens biss jekk l-UE tixtieq issegwi l-mudelli tal-biedja tan-New Zealand u tal-Istati Uniti. Fl-Istati Uniti, il-preżenza ta’ sistemi kbar ħafna tat-trobbija tal-annimali b’aktar minn 2 000 baqra hija kkunsidrata bħala l-pass ’il quddiem. Bir-ritmu attwali, 500 farm biss dalwaqt ser ikunu biżżejjed biex jipproduċu terz tal-ħalib tal-Istati Uniti. Politika bħal din tipprovoka perikli sinjifikanti għall-patrimonju kulturali, il-pajsaġġ u l-iżvilupp taż-żoni rurali tal-UE, tagħmel ħsara lill-ambjent u lill-bijodiversità tal-UE, u barra minn hekk, twassal għall-abbandun taż-żoni muntanjużi u dawk umdi. Għalhekk dan jista’ jwassal għar-rifjut tal-mudell Komunitarju tal-agrikoltura multifunzjonali.

7.6   Il-kunċett tal-agrikoltura multifunzjonali jfisser li, apparti l-produzzjoni alimentari, l-agrikoltura għandha funzjonijiet oħra bħall-iżvilupp tal-pajsaġġi rurali, it-tkabbir tal-patrimonju naturali u kulturali, is-sostenn lill-ekonomija rurali u t-titjib tas-sigurtà alimentari. Il-perspettiva tal-OECD tal-multifunzjonalità hija ta’ agrikoltura li tipproduċi firxa ta’ prodotti bażiċi (ikel u fibra) flimkien ma’ firxa ta’ prodotti mhux bażiċi, inklużi prodotti u servizzi ambjentali u soċjali.

7.7   Il-produzzjoni tal-ħalib fuq skala wiesgħa msejsa fuq feedlot li ma tirrispettax ċerti liġijiet, bħal dik dwar il-ġestjoni tan-nitroġenu fil-ħamrija, pereżempju, tħalli impatti kbar fuq l-ambjent.

7.8   Fil-preżent, 50 % tal-produzzjoni tal-ħalib tal-UE sseħħ fi 11 % tat-territorju Komunitarju. Irrispettivament mid-deċiżjonijiet politiki adottati, fil-futur id-daqs medju tal-merħla fl-UE ser ikompli jikber. Madankollu, ma tantx ikun mixtieq li jiġu adottati soluzzjonijiet politiki li jinkoraġixxu produzzjonijiet kbar ħafna u intensivi tal-ħalib f’żoni li għandhom vantaġġ partikolari mil-lat tal-ispejjeż tal-produzzjoni. Politika bħal din tista’ tippreżenta perikli ambjentali sinjifikanti.

7.9   Il-produtturi tal-ħalib jipparteċipaw fil-mudell tal-UE tal-agrikoltura multifunzjonali. Għalekemm il-multifunzjonalità tgħin lill-produtturi jegħlbu d-diffikultajiet temporanji, jekk iċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-produzzjoni jkun kostanti, mudell bħal dan ma jkunx sostenibbli għall-produtturi. L-istabilità tal-prezzijiet tal-produzzjoni, li tippermetti lill-produtturi li jkollhom dħul raġonevoli, hija tajba kemm għall-produtturi kif ukoll għall-konsumaturi.

8.   Wara l-2015

8.1   Jekk il-produzzjoni tal-ħalib għandha tinżamm u tiġi żviluppata bħala industrija vijabbli fl-UE kollha, il-produtturi tal-ħalib irid ikollhom dħul ekwu sabiex jgħixu ħajja normali kif ukoll jinvestu fil-futur tagħhom bħala produtturi tal-ħalib. Dħul ekwu jfisser dħul komparabbli mad-dħul medju li mhux ġej mill-biedja.

8.2   L-Artikolu 33 tat-Trattat KE jistabbilixxi l-objettivi tal-PAK li jinkludu dispożizzjoni (a) li tassigura livell ġust ta’ għajxien għall-popolazzjoini agrikola, (b) li tagħmel is-swieq stabbli, (c) li tiggarantixxi d-disponibilità tal-provvisti u (d) li tassigura prezzijiet raġonevoli fil-konsenja tal-prodotti lill-konsumatur.

8.3   Huwa essenzjali li jiġu ddedikati aktar riżorsi għat-trobbija tal-annimali, il-prevenzjoni tal-mard fost l-annimali u l-innovazzjoni fil-livell tal-biedja sabiex jiġi assigurat l-iżvilupp ta’ industrija aktar effiċjenti. Industrija tal-ħalib aktar kompetittiva tista’ tinkiseb billi jkun hemm użu aħjar tal-ħaxix u għalf ieħor. Hemm bżonn ta’ aktar riċerka u innovazzjoni fil-livell tal-ipproċessar biex jiġu żviluppati prodotti ġodda ħalli jiżdied is-sehem fis-suq. Trid isseħħ bidla radikali f’dawn l-oqsma. L-istabbilimenti edukattivi u tas-saħħa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom jippromovu l-konsum tal-prodotti tal-ħalib għax il-ħalib huwa prodott tal-ikel, għandu kwalitajiet mediċinali u huwa xarba rifreskanti fl-istess ħin. L-UE għandha żżomm is-sigurtà u l-awtosuffiċjenza tal-provvista tal-ħalib fit-territorju tagħha. Ikun żball kbir jekk ikun hemm dipendenza mill-importazzjonijiet tal-ħalib bħalma ġara fil-produzzjoni Ewropea tal-laħam minħabba prezzijiet baxxi tal-produzzjoni.

8.4   Ir-rapport speċjali 14/2009 tal-Qorti tal-Awdituri jiddikjara fir-Rakkomandazzjoni 1 li “l-Kummissjoni għandha tkompli tissorvelja l-iżvilupp tas-suq fil-ħalib u fil-prodotti tal-ħalib, billi timplimenta l-miżuri meħtieġa sabiex tevita li d-deregolamentazzjoni tas-settur ma twassalx għal sitwazzjoni oħra ta’ produzzjoni żejda. Jekk dan ma jsirx, l-objettiv tal-Kummissjoni li jkollha livell ta’ regolamentazzjoni minimu, bħala sistema ta’ sikurezza, malajr jista’ jirriżulta impossibbli li jinkiseb”. Il-KESE huwa konvint li intervent tat-tip “sistema ta’ sikurezza” u “ħażna” jeħtieġu wkoll diversi miżuri ta’ stabbilizzazzjoni tas-swieq marbuta mal-offerta u d-domanda.

8.5   Il-Kumitat jemmen li huwa kruċjali li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li jiggarantixxu l-futur ta’ industrija tal-ħalib vijabbli fl-UE kollha.

8.6   Sistema li jkun fiha miżuri marbuta mal-offerta u d-domanda flimkien ma’ sistemi adatti ta’ appoġġ dirett huma essenzjali sabiex tassigura industrija tal-ħalib fl-UE li tissodisfa l-bżonnijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali tas-soċjetà u ssir sistema agrikola tassew multifunzjonali li għandha ġġib dinamiżmu ġdid fl-UE rurali. Żvilupp bħal dan għandu jġib benefiċċji soċjali, kulturali u ekonomiċi lill-iżvilupp globali tal-UE.

9.   Kummenti speċifiċi

9.1   L-użu ta’ “swieq tal-futures” fis-settur tal-ħalib irid jiġi analizzat sew. Madankollu, trid titqies sew il-konfużjoni finanzjarja globali li nibtet mill-użu mhux adegwat tal-prodotti finanzjarji. F’opinjoni preċedenti, il-Kumitat iddikjara li “Għalhekk, il-prodotti tal-ikel għandhom jiġu kkunsidrati b’mod totalment differenti minn, ngħidu aħna, il-prodotti industrijali, li s-sit ta’ produzzjoni tagħhom jiġi ddeterminat prinċipalment minn kriterji relatati mal-ispejjeż.”

9.2   Il-maġġoranza tal-produtturi tal-ħalib jinsabu f’kooperattivi, u għalhekk sa ċertu punt jista’ jkollhom impatt fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tagħhom. Meta l-produtturi tal-ħalib huma membri ta’ kooperattiva u jbigħu l-ħalib lill-istess kooperattiva huma jkollhom salvagwardji aktar effettivi minn produttur tal-ħalib li jbigħ lill-imħaleb privati. Għalkemm diġà jeżistu l-kuntratti volontarji bejn il-produttur individwali u x-xerrej, fil-każ ta’ maħleb privat, il-produttur ftit li xejn ikollu opprtunità jinnegozja Dawn il-kuntratti jispeċifikaw il-kundizzjonijiet tal-forniment, iżda ma jistgħux jinfluwenzaw l-iżvilupp kumplessiv tas-suq fl-UE. L-esperjenza turi li, fil-qasam tal-katina alimentari, hemm bżonn li titjieb il-qagħda fis-suq tal-produtturi u tal-kooperattivi li jirrappreżentawhom. Għalhekk hemm bżonn li wieħed janalizza l-possibbiltajiet ta’ kooperazzjoni li huma permessi mil-liġi dwar il-kompetittività.

9.3   Madankollu, fl-Istati Membri ġodda, ħafna produtturi jbigħu l-ħalib tagħhom direttament lill-imħaleb privati. Peress li l-industrija tal-prodotti tal-ħalib qed issir dejjem iktar ikkonċentrata, ftit li xejn hemm għażla u l-prezz tal-produzzjoni jinżel. Biex tinżamm il-kompetizzjoni għall-ħalib mhux ippastorizzat, il-produtturi jrid ikollhom l-opportunità li joħolqu kooperattivi li mbagħad ikunu jistgħu jbigħu l-ħalib lill-industrija.

9.4   Ħafna mill-produtturi fl-aktar Stati Membri riċenti (il-Bulgarija u r-Rumanija) ftit li xejn jirċievu appoġġ mill-pagamenti diretti, li huma kompletament diżakkoppjati fuq bażi ta’ ettari. Minħabba f’dan il-livell baxx ta’ appoġġ, produttività baxxa, nuqqas ta’ dħul mis-suq u aċċess diffiċli għall-kreditu, il-produtturi ma jistgħux jinvestu biex ikunu konformi mal-livelli ta’ iġjene tal-UE.

9.5   L-importazzjonijiet kollha tal-ħalib fl-UE jridu jikkonformaw mal-istandards tal-UE speċjalment fl-oqsma tat-traċċabbilità, il-benesseri tal-annimali, l-iġjene, il-mediċina tal-annimali, il-ħarsien tal-ambjent, is-sigurtà alimentari u l-metodi ta’ produzzjoni sostenibbli. Il-kwistjoni tal-kontenut tal-karbonju qed tieħu ċerta importanza.

9.6   Irridu nassiguraw li l-korpi eżistenti bħall-kumitati konsultattivi u dawk ta’ ġestjoni għandhom biżżejjed riżorsi biex janalizzaw is-sitwazzjoni tal-provvista u d-domanda tas-suq tal-ħalib. Għandhom ikunu disponibbli l-istrumenti neċessarji sabiex ikun assigurat li l-produtturi jirċievu prezz adegwat tal-ħalib li jkopri l-ispejjeż u jrendilhom profitt. L-UE għandha żżomm il-kapabilità tagħha sabiex tipproduċi provvisti adegwati ta’ ħalib. Ma nistgħux insiru dipendenti fuq provvisti ta’ ħalib li jiġu minn barra l-UE. Jekk nagħżlu l-politiki l-ħżiena, dan jista’ jseħħ fil-futur imbiegħed.

9.7   Iż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri tal-impjieg full-time u part-time fis-settur tal-ħalib iridu jkunu prijorità, speċjalment fiż-żoni rurali.

9.8   Ma nistgħux ninjoraw il-kwistjonijiet tal-ġuħ u n-nuqqas ta’ riżorsi alimentari adegwati fit-Tielet Dinja. Kwisjonijiet bħall-bidla fil-klima globali, il-prezz globali tal-ikel u l-provvista globali tal-ikel huma relatati mill-qrib. Għandna responsabilità biex ngħinu l-pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 111. u ĠU C 255, 14.10.2005, p. 44.


APPENDIĊI

Din l-emenda, għalkemm ġabet mill-inqas kwart tal-voti mixħuta, ġiet irrifjutata:

Punt 7.7

Ħassar il-punt.

“Il-produzzjoni tal-ħalib fuq skala wiesgħa msejsa fuq feedlot li ma tirrispettax ċerti liġijiet, bħal dik dwar il-ġestjoni tan-nitroġenu fil-ħamrija, pereżempju, tħalli impatti kbar fuq l-ambjent.”

Voti

Favur: 56

Kontra: 76

Astensjonijiet: 25


18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Agrikoltura fis-Sħubija Ewro-Mediterranja” (inkluża l-importanza tax-xogħol li jagħmlu n-nisa fis-settur agrikolu u r-rwol tal-kooperattivi)

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 347/06)

Relatur: is-Sur NARRO

Nhar il-26 ta’ Frar 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

L-agrikoltura fis-Sħubija Ewro-Mediterranja (inkluża l-importanza tax-xogħol li jagħmlu n-nisa fis-settur agrikolu u r-rwol tal-kooperattivi)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tat-18 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’156 vot favur, l-ebda vot kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   L-agrikoltura fil-Mediterran hija kkaratterizzata mill-varjetà kbira tagħha. Minbarra d-differenzi li hemm fis-sistemi tal-produzzjoni, jeżistu wkoll livelli differenti ta’ żvilupp, ta’ għajnuna pubblika għall-agrikoltura u ta’ strutturi ekonomiċi. Madankollu, fil-baċir tal-Mediterran, l-agrikoltura hija s-sinsla taż-żoni rurali u l-ixprun tal-ekonomija tagħhom.

1.2   Il-proċess bla waqfien tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ agrikolu li għaddej bħalissa ser ikollu impatt fuq is-sostenibbiltà tal-biedja fil-Mediterran. Il-liberalizzazzjoni fiha nnifisha m’għandhiex tkun l-għan tas-Sħubija Ewro-Mediterranja iżda, pjuttost, mezz biex jintlaħaq l-għan ewlieni ta’ żvilupp ekonomiku, soċjali u reġjonali fuq iż-żewġ naħat tal-kosta tal-Mediterran.

1.3   Il-KESE huwa tal-fehma li għandu jkun hemm fażi tranżizzjonali li matulha jistgħu jiġu introdotti l-bidliet agrikoli meħtieġa fil-pajjiżi kkonċernati, li jiġu megħjuna jiffaċċjaw l-isfidi agrikoli marbuta mal-globalizzazzjoni tal-ekonomija, il-kummerċ u l-għarfien b’mod sigur.

1.4   L-istudji ta’ impatt li wettqet il-Kummissjoni Ewropea dwar il-konsegwenzi ta’ żona Medierranja għall-kummerċ ħieles għall-agrikoltura jagħmluha ċara min huma dawk li ser jitilfu bil-bosta minħabba dan il-proċess. Ir-reġjuni tal-Ewropa tan-Nofsinhar li jkabbru l-frott u l-ħaxix ma jkunux ser jistgħu jlaħħqu mal-kompetizzjoni li ssirilhom mill-ġirien Mediterranji tagħhom, filwaqt li l-produzzjoni kontinentali fil-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran (ċereali, ħalib, laħam, eċċ.) gradwalment tiġi abbandunata. Il-proċess attwali tal-liberalizzazzjoni għandu jqis il-ħarsien ta’ prodotti sensittivi.

1.5   Din il-fażi ta’ bidla għall-agrikoltura fil-Mediterran, ikkaratterizzata mill-kriżi fis-settur tal-ikel u l-liberalizzazzjoni, tfisser li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jadottaw strateġija fit-tul robusta li tiżgura li l-biedja tibqa’ attività vijabbli. Din l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq tliet aspetti: it-taħriġ, it-teknoloġija u r-riċerka, bil-għan li t-tranżizzjoni lejn settur agrikolu li jagħti prijorità lill-kwalità, il-valur miżjud u proċess ta’ kummerċjalizzazzjoni aktar effettiv tkun aktar faċli.

1.6   Il-politiki pubbliċi fil-Mediterran għandhom ikunu maħsuba biex jiżguraw li l-effetti tal-liberalizzazzjoni jkunu ġestiti b’mod effettiv. Fil-fehma tal-KESE, huma meħtieġa politiki fuq perijodu qasir u medju li jistabbilixxu kumpens reali, permezz ta’ appoġġ supplimentari, għal dawk il-produtturi tal-UE li jaħdmu fl-iktar setturi milquta mil-liberalizzazzjoni kummerċjali. Fl-istess waqt, jeħtieġ li jiġu implimentati politiki biex l-attività fiż-żoni rurali tkun iddiversifikata u biex il-bdiewa u n-negozji jkollhom l-appoġġ meħtieġ, bil-għan li jadattaw ruħhom aktar malajr għall-kuntest ġdid tal-produzzjoni.

1.7   Il-pajjiżi tal-Mediterran għandhom jimplimentaw politiki tat-taħriġ immirati lejn is-settur agrikolu biex iħeġġu impjiegi ta’ kwalità għolja, jgħinu l-ħaddiema jadattaw ruħhom għall-ħtiġijiet tal-mudell ġdid ta’ produzzjoni, u jillimitaw l-effeti negattiv li t-tluq tal-abitanti miż-żoni rurali jkollu fuq ix-xogħol u l-flussi migratorji.

1.8   Bil-għan li l-proċess tal-iżvilupp agrikolu fil-baċir tal-Mediterran jiġi appoġġjat, il-KESE huwa tal-fehma li l-prijorità għandha tkun it-tisħiħ tar-rwol tal-organizzazzjonijiet agrikoli lokali permezz ta’ proġetti ta’ żvilupp, li jitfasslu b’mod li jtejbu l-kapaċità għar-rappreżentazzjoni u s-sehem tal-bdiewa fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

1.9   Biex il-biedja fil-Mediterran tkun aktar kompetittiva, hemm bżonn ta’ strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni aktar dinamika. Il-kooperattivi u organizzazzjonijiet oħra li jlaqqgħu l-produtturi, li għandhom iservu ta’ strumenti li l-bdiewa jistgħu jużaw biex jikkonċentraw il-provvista tagħhom u jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq, ser ikunu wieħed mill-aktar aspetti importanti ta’ din l-istrateġija ġdida. Il-KESE jappoġġja kull inizjattiva li ttejjeb il-mod li bih taħdem il-katina tal-ikel u li tizgura li l-profitti jinqasmu tul il-katina kollha.

1.10   Fil-fehma tal-KESE, huwa essenzjali li r-rwol tan-nisa u ż-żgħażagħ fil-biedja u l-qasam rurali jissaħħaħ. Fil-pajjiżi tal-Mediterran tan-nofsinhar, in-nisa jagħtu kontribut sostanzjali għall-agrikoltura iżda xogħolhom ġeneralment ikun “inviżibbli” u bla ħlas, u sikwit ikkundizzjonat minn fatturi soċjali ħorox. Hemm bżonn ta’ politiki strutturali ġodda u inċentivi li jagħtu valur lix-xogħol tan-nisa, li jagħtihom il-possibbiltà joħorġu mill-ekonomija informali, u li jħeġġu l-ħolqien ta’ għaqdiet komunitarji bħala mezz għall-promozzjoni tal-intraprenditorija, li hija wkoll meħtieġa fil-qasam agrikolu.

1.11   Il-ġestjoni tal-ilma hija fattur importanti ħafna fl-iżvilupp tal-biedja fil-Mediterran. Wieħed mill-agħar effetti li t-tibdil fil-klima ser ikollu fil-Mediterran huwa t-tnaqqis fir-riżorsi tal-ilma disponibbli għall-biedja. Il-KESE jirrikonoxxi l-bżonn li jiġu implimentati politiki ġodda ta’ monitoraġġ u modernizzazzjoni li jagħmluha possibbli mhux biss li nużaw inqas ilma iżda wkoll li nagħmlu l-aħjar użu minn din ir-riżorsa prezzjuża. Dawn il-politiki kollha għandhom ikunu bbażati fuq l-użu ta’ teknoloġija ġdida li tużgura l-vijabbiltà soċjali, ekonomika u ambjentali tal-irrigazzjoni.

1.12   Il-kooperazzjoni istituzzjonali għandha timxi id f’id ma’ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-atturi tas-soċjetà ċivili. Għalhekk, huwa essenzjali li l-UE tiffaċilita l-kooperazzjoni reġjonali u parteċipazzjoni akbar mir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili biex jinqasmu l-esperjenzi u jitfasslu proġetti konkreti li jgħinu lill-organizzazzjonijiet agrikoli fil-Mediterran jippromovu mudell agrikolu multifunzjonali. F’kull każ, il-kapitolu agrikolu tal-Unjoni għall-Mediterran għandu jissaħħaħ, u għandu jsir progress fit-twaqqif tal-Bank tal-Mediterran.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-Proċess ta’ Barċellona li tnieda fl-1995 ta spinta lir-relazzjonijiet tal-UE mal-ġirien Mediterranji tagħha (1)u stabbilixxa l-linji gwida għat-twaqqif ta’ żona ta’ paċi u prosperità ekonomika fir-reġjun. Iżda, 15-il sena wara d-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona, il-progress li sar kien modest u l-imsieħba tal-UE fin-nofsinhar tal-Mediterran għandhom ċerta delużjoni.

2.2   L-inizjattiva politika reċenti li wasslet għall-Unjoni għall-Mediterran (2008), li twaqqfet taħt il-patroċinju ta’ Franza u l-Ġermanja, hija xhieda li wara snin ta’ paraliżi, il-kwistjoni tal-Mediterran reġgħet sabet ruħha fil-quċċata tal-aġenda tal-UE, minħabba t-tiġdid tal-interess fid-dibattitu dwar l-agrikoltura – settur strateġiku fis-seklu 21.

2.3   Il-KESE ddeċieda li jfassal din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja biex jikkontribwixxi għad-dibattitu importanti dwar ir-rwol li s-settur agrikolu għandu jaqdi fil-baċir tal-Mediterran. L-iżvilupp ta’ dan is-settur issa wasal f’fażi ewlenija, li ser tkun ikkaratterizzata minn sfidi maġġuri fuq skala dinjija.

2.4   Il-kumplessità konsiderevoli tal-agrikoltura fil-Mediterran tagħmilha impossibbli li l-problemi speċifiċi li jinqalgħu ta’ kuljum jiġu indirizzatti bir-reqqa. Madankollu, il-Kumitat jixtieq jiftaħ diskussjoni strateġika dwar il-ġejjieni tal-biedja fil-Mediterran, u d-diskussjoni għandha tindirizza l-ewwel il-konsegwenzi li żona ta’ kummerċ ħieles tal-prodotti agrikoli jista’ jkollha fuq il-baċir tal-Mediterran. L-effetti tal-liberalizzazzjoni mhumiex ristretti biss għall-qasam tal-kummerċ, għax għandhom ukoll impatt importanti fuq l-iżvilupp soċjali, ambjentali u ekonomiku tal-pajjiżi kkonċernati.

2.5   Fl-imgħoddi, il-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran ikkritikaw bl-aħrax lill-UE minħabba l-protezzjoniżmu agrikolu eċċessiv li wriet, filwaqt li l-UE wriet tħassib dwar l-impat negattiv f’ħafna reġjuni Ewropej ta’ ċerti importazzjonijiet, b’mod partikolari l-frott u l-ħaxix importat mill-Marokk, li, minħabba l-potenzjal agrikolu u l-viċinanza ġeografika u kulturali tiegħu għall-Ewropa, huwa wieħed mill-aktar pajjiżi importanti fejn tidħol il-biedja fil-Mediterran. In-nazzjon agrikolu importanti l-ieħor fil-Mediterran huwa l-pajjiż li huwa kandidat għall-adeżjoni fl-UE, it-Turkija. Il-biedja hija l-akbar settur fl-ekonomija Torka, u għandha potenzjal agrikolu konsiderevoli minħabba l-fatt li t-Turkija hija waħda mill-hekk imsejħa riżervi ħodor tal-Ewropa. F’dawn l-aħħar snin, l-Eġittu wkoll sar wieħed mill-pajjiżi Mediterranji bl-akbar potenzjal agrikolu.

2.6   Jekk nixtiequ mmorru lil hinn mir-rwol tradizzjonali tal-agrikoltura fil-Mediterran, hemm bżonn li tiġi stabbilita viżjoni aktar dettaljata, strateġika u fit-tul tal-agrikoltura tal-Mediterran li tagħmilha possibbli li jinstabu s-sinerġiji u li tiffaċilita l-vijabbiltà ekonomika u soċjali tas-settur fuq kull naħa tal-kosta.

2.7   L-esperjenza tal-UE fl-impenn tagħha favur produzzjoni ta’ kwalità għolja, il-valur mogħti lill-oriġini tal-prodotti, il-modernizzazzjoni tal-infrastrutturi u t-taħriġ għandhom iservu ta’ eżempju u gwida meta jiġu indirizzati l-bidliet li ser ifeġġu dalwaqt fin-nofsinhar tal-Mediterran. Madankollu, mhux l-esperjenzi pożittivi biss jgħallmuna lezzjonijiet siewja. Sfortunatament, fl-Ewropa, l-inkonsistenza bejn il-politiki tal-għajnuna agrikola, in-nuqas ta’ ppjanar fit-tul u l-iżbilanċ fil-katina tal-ikel li hija kkaratterizzata mill-inugwaljanza fil-provvista – li jgawdu minnha l-bejjiegħa bl-imnut il-kbar – jagħtuna stampa tal-perikli li għandhom jiġu kkunsidrati matul dik li nistgħu nsejħulha fażi tranżizzjonali maġġuri għall-agrikoltura tal-Mediterran.

2.8   Jeżistu żewġ kampijiet ċari fil-qasam tal-biedja fil-pajjiżi tan-nofsinhar: minn naħa, insibu industrija dinamika ffukata fuq l-esportazzjoni, permezz ta’ kapital ipprovdut minn atturi kummerċjali ewlenin; min-naħa l-oħra, insibu settur tal-biedja ffukat fuq is-swieq lokali li fihom joperaw bdiewa fuq skala żgħira mingħajr organizzazzjoni ekonomika adegwata.

3.   Il-proċess tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ

3.1   B’konformità mal-pjan direzzjonali stabbilit fil-kuntest tal-Proċess ta’ Barċellona (1995), il-prodotti agrikoli għandhom jingħataw trattament preferenzjali. Il-liberalizzazzjoni gradwali tal-kummerċ tal-prodotti agrikoli permezz ta’ skema ta’ aċċess preferenzjali u reċiproka tqis il-flussi kummerċjali tradizzjonali u l-politiki agrikoli rilevanti (2). Il-prijorità mill-2005 sa issa hija li fl-2010 titwaqqaf żona ta’ kummerċ ħieles. Din id-data għandha titqies bħala linja gwida pjuttost milli data tal-għeluq, peress li l-pajjiżi mexjin lejn din iż-żona ta’ kummerċ ħieles b’ritmi differenti.

3.2   F’dawn l-aħħar snin, l-UE ffirmat ftehimiet ġodda u ambizzjużi mal-Iżrael, il-Ġordan u l-Eġittu. Il-bosta negozjati kumplessi mal-Marokk għadhom għaddejjin, u minkejja l-iskarsezza tal-informazzjoni pprovduta min-negozjaturi Ewropej, jidher li, fid-dawl tat-tmiem reċenti tan-negozjati, il-ftehim ser jiġi ffirmat fl-2010. Minn fost il-pajjiżi tal-Mediterran l-oħra, it-Tuneżija, u riċentement l-Alġerija, biss bdew sensiela ġdida ta’ negozjati.

Negozjati agrikoli bjn l-UE u l-pajjiżi tal-Mediterran

3.3   Il-protezzjoni fl-UE involviet bosta strumenti, sikwit użati flimkien bħal: kwoti, dazji doganali, kalendarji, liċenzji tal-importazzjoni, prezzijiet tad-dħul, eċċ. Għalhekk, nistgħu nikkonkludu li l-UE tradizzjonalment appoġġjat lill-bdiewa tagħha permezz ta’ miżuri doganali, peress li l-għajnuna tradizzjonali tal-PAK taqdi rwol żgħir ħafna rigward il-produzzjoni fil-Mediterran (3). Minbarra din il-protezzjoni doganali li kulma jmur qed issir dejjem aktar marġinali, id-distanza, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-infrastruttura huma fatturi ewlenin fil-kummerċ tal-prodotti agrikoli.

3.4   L-organizzazzjoni Ewropea COPA-COGECA, li tlaqqa’ l-organizzazzjonijiet u l-kooperattivi prinċipali tal-bdiewa, qalet fl-istqarrija tagħha dwar il-ftehimiet fil-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja li l-UE għandha bżonn tirrispetta ċerti prinċipji fundamentali fin-negozjati. Semmiet, fost l-oħrajn, il-bżonn li l-kunċett tal-prodotti sensittivi u l-prezz tad-dħul għall-frott u l-ħaxix jinżamm, il-bżonn li l-ispezzjonijiet doganali jissaħħu għall-prevenzjoni tal-frodi, li titwaqqaf sistema għall-monitoraġġ ta’ saħħet il-pjanti u l-bżonn li jitqiesu l-istaġuni tradizzjonali marbuta mal-prodotti individwali, u ppromoviet il-ġestjoni komuni tal-iskedi tal-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni (4).

3.5   Il-produtturi min-nofsinhar tal-Mediterran jiffaċċjaw ċerti diffikultajiet rigward l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea tas-saħħa. Il-ħtiġijiet marbuta mal-prodotti agrikoli importati mill-Mediterran huma anqas stretti minn dawk imposti fuq il-prodotti Komunitarji fejn jidħol it-trattament xieraq tal-annimali, it-traċċabbiltà u l-istandards ambjentali. Il-KESE jħeġġeġ lill-UE tipprovdi lill-imsieħba tagħha fil-Mediterran bl-għajnuna teknika meħtieġa għall-kummerċ, bit-trasferiment tat-teknoloġija u bl-appoġġ għat-twaqqif ta’ sistemi ta’ traċċabbiltà u twissija bikrija.

3.6   Il-KESE kemm-il darba saħaq fuq l-importanza tat-traċċabbiltà u ċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità peress li jirrappreżentaw l-aspett prinċipali tal-mudell agrikolu Komunitarju. Is-sistema mwaqqfa fl-UE tagħmilha possibbli li tinkiseb informazzjoni dwar kull prodott tal-ikel “mill-għelieqi sa fuq il-mejda”, u li jkunu jistgħu jiġu identifikati u traċċati l-passi kollha fil-mixja ta’ dan il-prodott sa ma jasal fuq il-mejda tal-ikel – mill-produzzjoni sal-ipproċessar u d-distribuzzjoni. It-traċċabbiltà għandha tiġi ttratata bħala prijorità matul in-negozjati agrikoli mal-pajjiżi tal-baċir tal-Mediterran.

3.7   Attwalment, il-liberalizzazzjoni agrikola fil-Mediterran, għalkemm mhux kompluta, diġà tkopri 90 % tal-kummerċ. L-UE hija l-akbar importatur tal-ikel, u bħalissa għaddejja minn proċess ta’ ftuħ tal-kummerċ li qatt ma rajna bħalu qabel. Minkejja dan, għadd baqa’ għadd ta’ prodotti sensittivi li dwarhom ġew stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi, biex ma jiġux penalizzati ċerti produtturi li jistgħu jintlaqtu ħażin minn kwalunkwe żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet agrikoli, b’mod partikolari l-frott u l-ħaxix.

3.8   Is-settur tal-frott u l-ħaxix jaqdi rwol ewlieni f’dan il-proċess ta’ liberalizzazzjoni, għaliex jirrappreżenta kważi nofs l-esportazzjonijiet agroalimentari mill-pajjiżi tal-Mediterran li mhumiex imsieħba fl-UE lejn l-UE. Bosta żoni fl-Ewropa tan-nofsinhar jispeċjalizzaw fit-tkabbir tal-frott u l-ħaxix, u l-ekonomiji reġjonali tagħhom jiddependu bil-bosta minn dawn l-uċuħ tar-raba'. F’għoxrin reġjun tal-UE, aktar minn nofs il-produzzjoni agrikola finali hija magħmula mill-frott u l-ħaxix. L-UE għandha tiżgura li jiġu konklużi ftehimiet agrikoli mal-pajjiżi fin-nofsinhar tal-Mediterran sabiex jiġu protetti dawk il-prodotti meqjusin “sensittivi”, u li b’hekk jintlaqtu aktar ħażin mill-ftehimiet.

3.9   L-analiżijiet tal-impatt li wettqet il-Kummissjoni Ewropea (5) dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-Mediterran juru biċ-ċar li, f’sitwazzjoni kkaratterizzata minn liberalizzazzjoni parzjali jew sħiħa, l-UE żżid l-esportazzjonijiet ta’ ċerti prodotti “kontinentali” (ċereali, prodotti tal-ħalib u laħam). Għall-kuntrarju, il-produzzjoni f’dawn is-setturi tonqos bil-bosta f’pajjiżi bħall-Marokk, fejn huwa previst li, matul perijodu ta’ ħmistax-il sena, il-produzzjoni tal-ħalib tonqos b’55 %, tal-laħam bi 22 % u tal-qamħ b’20 % (6). Il-periklu tal-monokulturi jista’ jwassal għal nuqqas fil-provvista u dipendenza mill-importazzjonijiet.

3.10   Il-KESE jqis li għandhom jiġu introdotti kriterji u klawżoli fil-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni korrispondenti, li jippermettu li jiġi vvalutat l-impatt tal-ftuħ kummerċjali għaż-żewġ partijiet involuti, b’mod speċjali bl-għan li jiġi vvalutat intlaħaqx l-objettiv aħħari tal-politika Komunitarja esterna: li jsir progress fil-qasam tal-ambjent, tad-drittijiet tax-xogħol u – fuq kollox – tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-popolazzjoni lokali u b’hekk mhux biss tal-intrapriżi l-kbar lokali u barranin. F’dan il-kuntest, huwa importanti ħafna li l-ftuħ tas-swieq Ewropej isir bil-kundizzjoni li jiġu rrispettati standards minimi fl-oqsma soċjoprofessjonali, ambjentali u tas-saħħa, għall-benefiċċju tas-sigurtà tal-ikel u tal-konsumaturi Ewropej, iżda wkoll sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien u ta’ xogħol fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran.

3.11   Il-KESE jqis li għandhom jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi pertinenti u jittejbu dawk eżistenti sabiex jiġi żgurat li jiġu rispettati l-klawżoli aċċettati miż-żewġ naħat rigward kwistjonijiet marbutin mal-liberalizzazzjoni kummerċjali tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, mill-perspettiva tar-rispett tal-ammonti doganali stabbiliti u tal-kwoti.

Ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi fil-konfront tal-liberalizzazzjoni

3.12   Attwalment. il-Mediterran tan-nofsinhar qed jiffaċċja problemi serji li affettwaw ukoll lill-UE: xi rwol għandhom jaqdu l-awtoritajiet pubbliċi fi kwalunkwe proċess li jilliberalizza u jneħħi r-regolamenti minn fuq is-swieq? F’dan il-kuntest, l-UE u, b’mod aktar speċifiku, l-iżvilupp tal-PAK wasslu għal tibdil sorprendenti fid-direzzjoni li għandu jservi ta’ eżempju għall-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran. Fid-dawl ta’ dak li tgħallmu mis-suċċessi u l-fallimenti tal-ġirien Ewropej tagħhom, jistgħu jimplimentaw politiki pubbliċi effettivi u konsistenti għal perijodu ta’ żmien medju u fit-tul, li jipprovdulhom l-għodda biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw b’aktar ċertezza l-globalizzazzjoni li, f’ċerti każi, tista’ tikkawża distorzjonijiet negattivi fis-settur agrikolu. Fin-negozjati internazzjonali, dan is-settur qatt ma jista’ jiġi ttrattat bħal kwalunkwe settur ekonomiku ieħor, meta wieħed iqis il-kontribut tiegħu għall-PDG tal-pajjiż.

3.13   Sa ftit taż-żmien ilu, l-agrikoltura ma kenitx prijorità fost il-politiki tal-pajjiżi tal-Mediterran mhux imsieħba fl-UE, u l-fondi ta’ kooperazzjoni mill-UE u l-korpi internazzjonali ġew allokati lil setturi oħra (7): dan jagħti xhieda ta’ viżjoni għal perijodu ta’ żmien qasir li xekklet l-iżvilupp f’dawn il-pajjiżi. F’dawn l-aħħar snin, il-politiċi bdew ibiddlu l-mod ta’ ħsieb tagħhom.

3.14   Il-kriżi li laqtet lis-settur tal-ikel fl-2008, flimkien maż-żieda fil-prezz tal-materja prima u l-biża’ li qanqal il-proċess tal-liberalizzazzjoni, qajmu mir-raqda lil ċerti awtoritajiet reġjonali b’mod li biddlu l-istrateġija tradizzjonali tagħhom fil-qasam agrikolu, u minflok għamlu użu sħiħ mill-produzzjoni u ffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-esportazzjonijiet agrikoli.

3.15   L-istrateġija agrikola tal-gvernijiet tal-Mediterran għandha taġevola settur li jiffoka fuq il-kwalità, il-valur miżjud u t-tijib tal-proċess tal-kummerċjalizzazzjoni. Il-filosofija hija ċara u, fil-fatt hija mħaddna mill-partijiet ikkonċernati kollha fil-Mediterran; Iżda, ir-realtà iebsa hija li n-nuqqas tar-riżorsi ekonomiċi hija diffikultà li ma tingħelibx faċilment.

3.16   It-taħriġ, l-appoġġ teknoloġiku u r-riċerka huma komponenti bażiċi li għandhom jiġu inklużi fi kwalunkwe politika agrikola futura implimentata fil-pajjiżi tal-Mediterran. Dawn it-tliet fatturi flimkien għandhom jikkkontribwixxu għat-titjib tal-pożizzjoni u l-vijabbiltà tal-agrikoltura Mediterranja, bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel u li niġġieldu kontra l-faqar u t-tluq tal-abitanti miż-żoni rurali.

3.17   Minkejja l-istqarrijiet ferventi tagħhom favur ir-riċerka agrikola, bosta pajjiżi tal-Mediterran ma wrewx ir-rieda politika meħtieġa għall-ħolqien ta’ qafas leġiżlattiv favorevoli. Il-ħidma fil-qasam tar-riċerka għandha tissaħħaħ sabiex it-teknika għat-tkabbir tal-prodotti agrikoli titjieb u sabiex jinstabu swieq speċjalizzati ġodda, bil-għan li l-kwalità tieħu spinta qawwija ’l quddiem. It-tkabbir demografiku jfisser li, llum, ettaru jkollu jitma’ tliet darbiet aktar nies milli kien jitma’ erbgħin sena ilu. Il-progress teknoloġiku jagħmilha possibbli li tiżdied il-produttività, filwaqt li l-bijoteknoloġija tista’ tagħmel kontribut siewi lejn tip ta’ agrikoltura aktar produttiv u li jirrispetta aktar l-ambjent (8). Għall-ġejjieni, ir-riċerka għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-inizjattiva pubblika u dik privata u ttejjeb il-koordinazzjoni bejn il-korpi, sabiex il-ħtiġijiet fundamentali u konkreti tal-agrikoltura u l-bdiewa jiġu ssodisfati.

Strument sabiex jindirizza l-isfida agrikola: Il-“Pjan Aħdar” tal-Marokk

3.18   Eżempju ta’ dan il-mod ta’ ħsieb ġdid joħroġ fid-dieher fil-Green Paper imressqa mill-Marokk f’April 2008, li turi strateġija agrikola ġdida u interessanti fil-Magreb. Il-pjan għandu l-għan li jagħmel l-agrikoltura l-ixprun ewlieni tal-ekonomija nazzjonali fl-10 sa 15-il sena li ġejjin, permezz ta’ investiment pubbliku qawwi (9), bil-għan li jintlaħqu żewġ għanijiet ewlenin; settur agrikolu modern, u b’valur miżjud għoli, u dħul akbar għall-bdiewa ż-żgħar.

3.19   Bil-għan li dawn l-għanijiet ambizzjużi jintlaħqu, il-gvern Marokkin fassal pjani reġjonali li għandhom jiffokaw fuq tliet tipi ta’ proġetti. L-ewwel wieħed għandu l-għan li jiffaċilita t-tranżizzjoni minn uċuħ taċ-ċereali għal uċuħ b’valur miżjud imsaħħaħ li jiddependu inqas mill-ilma. It-tieni nett, hemm pjani għat-titjib tal-biedja intensiva, li għandhom jipprovdu lill-bdiewa tekniki ta’ produzzjoni ġodda. Fl-aħħar nett, il-pjani reġjonali huma maħsuba biex jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-produzzjoni u jżidu l-valur tal-prodotti reġjonali u lokali.

It-telliefa fil-proċess tal-liberalizzazzjoni fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran

3.20   Fil-livell reġjonali, l-effetti negattivi tal-liberalizzazzjoni ser jinħassu b’mod partikolarment qawwi minn dawk ir-reġjuni Ewropej speċjalizzati fit-tkabbir tal-frott u l-ħaxix. F’kull każ, dawn ir-reġjuni huma fost l-inqas avvanzati jew fost l-aktar żvantaġġati fl-Ewropa. Fosthom hemm, pereżempju l-Andalusija (Spanja), it-Tessalija (il-Greċja), il-Kalabrija (l-Italja) u d-Douro tat-Tramuntana (il-Portugall). Skont l-istudju tal-impatt li sar miċ-Ċentru Internazzjonali għal Studji Agronomiċi Avvanzati fil-Mediterran (CIHEAM) (10), mitlub mill-Kummissjoni Ewropea fl-2007, il-konsegwenzi negattivi tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Mediterran ma jkunux mifruxa fuq skala wiesgħa iżda pjuttost ikkonċentrati fi ftit reġjuni, li jkunu verament it-telliefa fil-proċess.

3.21   Il-produtturi ż-żgħar tan-nofsinhar tal-Mediterran ser jintlaqtu direttament malli jinfetħu l-fruntieri, għax jiġu mġiegħla jwaqqfu l-produzzjoni tagħhom minħabba li ma jkunux jistgħu jikkompetu mal-produzzjoni kontinentali tal-ġirien tagħhom fit-tramuntana tal-Mediterran. F’dan il-kuntest ta’ liberalizzazzjoni, għandhom jiġu pprovduti l-istrumenti meħtieġa biex il-produtturi ż-żgħar – l-aktar partijiet vulnerabbli – igawdu mill-ftehimiet il-ġodda. Il-politiki li jitfasslu bil-għan li jappoġġjaw id-dħul, jorganizzaw u jimmodernizzaw l-agrikoltura tagħhom għandhom isiru prijorità.

3.22   L-awtoritajiet pubbliċi għandhom iħabirku biex ibiddlu x-xejra perikoluża ta’ bħalissa, jiġifieri l-fatt li l-aktar li jgawdu minn dan il-proċess ikunu l-irziezet il-kbar, il-kumpaniji multinazzjonali u l-investituri tal-kapital barrani. Il-benefiċċji marbta mal-ftuħ tas-swieq għandhom jitqassmu b’mod ugwali u ġust fost il-partijiet kollha involuti fil-katina tal-produzzjoni.

L-organizzazzjoni tas-settur tal-produzzjoni fid-dawl tal-istrutturi l-ġodda tal-kummerċjalizzazzjoni

3.23   Fl-UE, l-iżbilanċ li jeżisti bejn id-diversi operaturi fi ħdan il-katina tal-ikel jagħmel ħsara konsiderevoli lis-settur tal-produzzjoni, li ma jistax jikkompeti mal-pożizzjoni dominanti li jgawdu l-bejjiegħa bl-imnut il-kbar. Din il-konċentrazzjoni potenzjali tal-operaturi l-kbar ser tiġri wkoll meta l-agrikoltura tiġi żviluppata wkoll fuq in-naħa l-oħra tal-baċir tal-Mediterran. Il-bdiewa jistgħu jitilfu r-rabtiet tagħhom mas-suq nazzjonali u jsibu ruħhom suġġetti għall-ħtiġijiet imposti mis-supermarkets.

3.24   Il-kompetittività tas-settur agrikolu ma jiddependix biss minn produzzjoni aktar effikaċi mill-perspettiva ta’ prezz u kwalità. Biex il-kunċett tal-“kompetittività” jkun wieħed ġenwin, l-istrateġija użata fil-kummerċjalizzazzjoni hija partikolarment importanti. Fid-dawl tan-natura estremament frammentata tas-settur tal-produzzjoni, iż-żieda u l-iżvilupp tal-modi li permezz tagħhom tiġi kkonċentrata l-provvista, bħall-gruppi tal-produtturi u l-kooperattivi, fost l-oħrajn, għandhom indubbjament isiru pilastri tal-istrateġija l-ġdida.

3.25   Mhuwiex faċli li l-produtturi jiġu organizzati f’movimenti tal-kooperattivi. Fin-nofsinhar tal-Mediterran, għad hemm bosta ostakoli għall-iżvilupp tal-kooperattivi agrikoli, minkejja li teżisti leġiżlazzjoni ġdida mfassla bil-għan li jitħejja x-xogħol ta’ preparazzjoni meħtieġ. Fost l-aktar problemi serji li jiffaċċjaw il-kooperattivi fil-Mediterran, insibu n-nuqqas ta’ persunal adegwat għall-ġestjoni tal-kooperattiva bħala negozju, l-instabbiltà tar-riżorsi ekonomiċi, dipendenza eċċessiva fuq l-għajnuna tal-istat, ir-riġidtà tal-leġiżlazzjoni u d-diffikultà tal-aċċess għas-swieq. Sabiex dan il-moviment tal-kooperattivi jirnexxi, irid jegħleb dawn il-problemi u jagħti xhieda ta’ filosofija ġdida msejsa fuq approċċ kollettiv. Iżda, l-ewwel ħtieġa għas-settur agrikolu fil-Mediterran hija li l-bdiewa jkunu jistgħu jkomplu x-xogħol tal-biedja u mhux jiġu mġiegħla jitilqu s-settur.

3.26   Permezz tal-kooperazzjoni u l-organizzazzjoni, il-bdiewa jistgħu jtejbu l-pożizzjoni tagħhom u jegħlbu l-limitazzjoni kbira li ġejja mill-fatt li huma mxerrdin. Is-suċċess tal-kooperattiva Marokkina tal-bdiewa li jipproduċu l-prodotti tal-ħalib, il-COPAG, li tipproduċi 170 miljun litru fis-sena – 11 % tal-produzzjoni nazzjonali – sar mudell li fuqu għandhom jimxu setturi oħra. Din il-kooperattiva tiġġenera valur miżjud, tqassam is-sussidji u tiggarantixxi prezz minimu għall-membri tagħha. Iżda, f’pajjiżi bħal-Libanu, ħafna kooperattivi jitwaqqfu biss għax jeħtieġu l-istatus ta’ “kooperattiva” biex ikollhom aċċess għall-programmi ta’ żvilupp immexxija mill-NGOs; Sfortunatament, meta l-fondi jispiċċaw, il-kooperattivi jibdew jagħlqu u fl-aħħar jogħsfru għalkollox.

3.27   Fin-nofsinhar tal-Mediterran, l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-assoċjazzjonijiet jitlob appoġġ sod mill-amministrazzjonijiet pubbliċi. Is-sħubija mal-kooperattivi għandha tkun imħeġġa sabiex issir strument utli u li jiġġenera profitt għall-bdiewa. Is-sempliċi twaqqif ta’ kooperattiva ma jiggarantix is-suċċess tagħha: il-kooperattivi għandhom ikunu dinamiċi u jkollhom sens ta’ intraprenditorija jekk jixtiequ jikkompetu f’suq globalizzat, billi jikkonsolidaw id-dħul tal-imsieħba tagħhom u jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jkollhom aċċess għall-provvisti u għas-servizzi u s-swieq.

4.   Tibdil soċjali fil-biedja Mediterranja

4.1   Il-kummerċ ħieles agrikolu għandu jħeġġeġ u jkun kompatibbli bis-sħiħ mal-iżvilupp soċjali u l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni. Fil-fehma tal-Kumitat, l-ispiża soċjali tal-integrazzjoni fil-flussi kummerċjali globali għandha tiġi analizzata bir-reqqa, sabiex ikun jista’ jitkejjel l-impatt ta’ dan il-proċess bla waqfien u jiġu megħjuna aktar komunitajiet vulnerabbli biex iħejju ruħhom għalih. Għalkemm skont data makroekonomika inkontestabbli, l-agrikoltura tirrappreżenta biss parti żgħira mill-kummerċ fil-Mediterran (7 % tal-esportazzjonijiet totali u 9 % tal-importazzjonijiet totali), fil-fatt, l-impatt politiku u soċjali ta’ dawn il-prodotti huwa ferm ogħla.

4.2   Il-fraġilità soċjali fiż-żoni rurali tal-Mediterran hija riflessa fil-faqar, il-qgħad, in-nuqqas ta’ infrastruttura, id-degradazzjoni tal-art u t-tluq kostanti tal-abitanti miż-żoni rurali. Kif ġara fil-pajjiżi tal-UE, l-adattament għall-globalizzazzjoni ser iwassal, fil-pajjiżi tal-Mediterran, għat-tluq tan-nies mill-biedja, it-tnaqqis tal-popolazzjoni miż-żoni rurali l-aktar żvantaġġati u pressjoni akbar fuq il-flussi tal-migranti.

4.3   Sabiex jittaffew l-effetti negattivi tal-liberalizzazzjoni fl-ambjent rurali, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali għandhom jimplimentaw politiki sodi ta’ żvilupp rurali li jtejbu l-kompetittività tal-irziezet iż-żgħar, joħolqu soluzzjonijiet alternattivi konkreti għall-bdiewa li jiġu mġiegħla jabbundaw il-professjoni tagħhom, u jiżguraw li ż-żoni rurali jiddiversifikaw dan is-settur – li huwa importanti ħafna għan-nisġa soċjoekonomika tagħhom – b’suċċess u b’mod sigur. It-tendenza perikoluża li l-abitanti jitilqu miż-żoni rurali tista’ titrażżan biss jekk in-nisa u ż-żgħażagħ jiġu integrati b’suċċess fis-settur tal-biedja.

In-nisa u ż-żgħażagħ: fatturi għall-bidla

4.4   Fil-futur qrib, in-nisa u ż-żgħażagħ ser ikunu l-veri xpruni tal-bidla agrikola fin-nofsinhar tal-Mediterran. L-istrateġija Mediterranja għall-iżvilupp sostenibbli titlob l-implimentazzjoni ta’ programmi li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fl-edukazzjoni tal-mexxejja agrikoli u rurali ġodda li jistgħu, permezz tal-ħila tagħhom għall-innovazzjoni u l-preparazzjoni, ikunu fatturi għall-bidla.

4.5   In-nisa dejjem qed ikunu iżjed involuti fis-settur agrikolu fil-Mediterran. Ir-rwol li jaqdu fl-agrikoltura qed jiżdied gradwalment u l-potenzjal tagħhom huwa vast, fid-dawl taż-żieda sostanzjali fil-popolazzjoni, it-tibdil ambjentali u l-migrazzjoni tal-irġiel mir-reġjun lejn iċ-ċentri urbani jew żoni aktar prosperużi (11). Sfortunatament, iċ-ċifri uffiċjali huma ftit wisq, u ftit li xejn jirrikonoxxu l-kontribut konkret li n-nisa jagħtu lill-biedja.

4.6   Ġew implimentati għadd ta’ inizjattivi interessanti fil-Mediterran għat-titjib tal-qagħda tan-nisa fl-ambjent rurali. Fil-Marokk, permezz ta’ fondi mill-programm MEDA, ġew iffinanzjati kooperattivi taż-żejt tal-argan li huma magħmulin biss min-nisa – dan il-mudell issa qed jintuża wkoll f’żoni oħra tal-Mediterran. Fil-Libanu, l-Osservatorju Nazzjonali għan-Nisa fl-Agrikoltura u ż-Żoni Rurali (NOWARA) (12), twaqqaf fl-2008 u kkontribwixxa għall-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ inizjattivi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-biedja, billi identifika l-programmi u l-attivitajiet għat-titjib tal-aċċess tan-nisa għar-riżorsi tal-produzzjoni.

4.7   It-trattament tan-nisa li jaħdmu fis-settur agrikolu jvarja ħafna minn nazzjon għal ieħor. Fil-Libanu, 3,4 % biss tan-nisa jaħdmu fil-biedja, u s-sitwazzjoni hija l-istess fl-Alġerija, fejn il-parteċipazzjoni tan-nisa fl-attivitajiet ekonomiċi hija limitata ħafna. Għall-kuntrarju, fl-Eġittu, 50 % tax-xogħol agrikolu jsir min-nisa, għalkemm ma jitħallewx ikollhom sehem fil-ġestjoni tal-beni agrikoli li jirtu; fis-Sirja, is-sitwazzjoni hija agħar għax, fil-prattika, il-konvenzjonijiet soċjali jġiegħlu lin-nisa jirrinunzjaw kull dritt għas-sjieda tal-art li jista’ jkollhom. Il-Marokk jispikka minħabba s-sehem għoli tan-nisa fix-xogħol agrikolu – madwar 60 % – filwaqt li ċ-ċifra fit-Turkija hija ogħla, 70 %. F’dawn il-pajjiżi, in-nisa ġeneralment jagħmlu x-xogħlijiet li jitolbu ħidma intensiva u mhux mekanizzata. In-nisa huma responsabbli għall-ħsad u l-ħżin tal-prodotti tal-ikel, u jaqdu rwol importanti ħafna fiż-żrigħ, l-irrigazzjoni, il-kontroll tal-annimali u l-insetti li jattakkaw l-uċuħ tar-raba’ u fl-iffertilizzar.

4.8   In-nisa involuti fil-biedja fil-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran jiffaċċjaw għadd ta’ ostakoli importanti li jkollhom impatt fuq l-iżvolġiment ta’ xogħolhom: ir-rata għolja ta’ illitteriżmu u n-nuqqas ta’ tagħlim, ix-xogħol bla ħlas, l-aċċess limitat għall-proprjetà, il-fatt li ma għandhom l-ebda sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, kundizzjonijiet tax-xogħol li huma agħar minn dawk għall-irġiel, aċess limitat ħafna għall-fondi u, ma jistax jonqos, il-fatturi soċjali u reliġjużi li jċaħħdu n-nisa mid-dritt ta’ deċiżjoni. Sfortunatament, għad baqa’ ħafna xi jsir biex l-irġiel u n-nisa fl-agrikoltura u l-ambjent rurali jgawdu mill-istess opportunitajiet. Il-gvernijiet tal-Mediterran għandhom għalhekk ipoġġu din il-missjoni fil-quċċata tal-aġenda tagħhom (13).

5.   Il-biedja fil-Mediterran fil-konfront tat-tibdil fil-klima

5.1   Kull studju xjentifiku li sar sa issa jaqbel fuq il-fatt li l-aktar żona li sr tintlaqat mit-tibdil fil-klima hija l-Mediterran. Il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tal-biedja f’dawn iż-żoni jagħmlu lill-agrikoltura Mediterranja partikolarment vulnerabbli għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, b’mod partikolari fid-dawl tar-rata taż-żieda fil-popolazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa – kwistjoni li saħqet fuqha l-FAO – li nżidu l-produzzjoni tal-ikel tagħna. Fost dawn l-effetti nsibu:

il-qerda tal-uċuħ tar-raba’ u t-telf tal-bijodiversità

livell ogħla ta’ deżertifikazzjoni u l-espansjoni taż-żoni aridi

il-preżenza ta’ annimali u insetti ġodda li jattakkaw l-uċuħ tar-raba u mard ġdid

produzzjoni aktar baxxa u rata għolja ta’ votalità fil-produzzjoni

riżorsi tal-ilma skarsi.

5.2   Bil-għan li nadattaw ruħna għat-tibdil fil-klima, neħtieġu miżuri urġenti u strumenti validi għat-titjib tal-ġestjoni tar-riskji fl-agrikoltura; għandhom jiġu żviluppati varjetajiet ġodda u aktar reżistenti; il-bdiewa għandhom jingħataw konsulenza teknika fix-xogħol li jagħmlu ta’ kuljum. u, bħala prijorità, is-settur agrikolu għandu jkollu r-riċerka u teknoloġija ġdida għad-dispożizzjoni tiegħu.

Ir-rabta bejn l-ilma u l-biedja

5.3   Indubbjament, l-ilma ser ikun l-aktar element li jintlaqat mit-tibdil fil-klima u l-fattur ewlieni fl-iżvilupp tal-biedja Mediterranja. Il-KESE diġà analizza l-impatt tat-tnaqqis tar-riżorsi tal-ilma fuq il-biedja (14) u jkompli jisħaq fuq il-bżonn li l-politiki pubbliċi jiġu orjentati lejn użu aktar sostenibbli ta’ din ir-riżorsa. L-isfida hija li nkomplu niġġeneraw il-ġid permezz tal-produzzjoni agrikola, il-valur miżjud, ix-xogħol, eċċ., filwaqt li l-ammont tal-ilma disponibbli jkun dejjem qed jonqos.

5.4   Il- “Plan Bleu” (15) diġà ħabbar li d-domanda għall-ilma fin-nofsinhar u l-lvant tal-Mediterran ser tiżdied b’25 % sal-2025. Din iż-żieda fid-domanda trid tiġi ttrattata f’kuntest ikkaratterizzat mill-iskarsità u t-tnaqqis fid-disponibbiltà ta’ din ir-riżorsa prezzjuża. Fil-fehma tal-KESE, din il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma m’għandhiex tiddependi biss mit-tnaqqis tal-irigazzjoni, izda għandha tissejjes ukoll fuq monitoraġġ aktar effettiv u politiki ta’ modernizzazzjoni.

5.5   Fl-agrikoltura Mediterranja, l-irrigazzjoni taqdi rwol strateġiku. L-irrigazzjoni tintuża għar-raba’ kollu fl-Eġittu; il-Marokk għandu l-ħsieb li jżid is-saqwi b’450 000 ettaru sal-2025. L-Iżrael għandu l-aqwa riżorsi teknoloġiċi għall-ġestjoni tal-ilma għall-agrikoltura. It-Tuneżija rnexxielha timplimenta programm għall-ġestjoni tal-ilma għall-irigazzjoni li ntlaqa’ tajjeb mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Biedja tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u l-Bank Dinji.

5.6   Il-gvern Tuneżin għażel li jtejjeb is-sħubijiet bejn is-setur privat u dak pubbliku biex japplika l-pjan strateġiku tiegħu. Din l-istrateġija kienet tinvolvi l-għoti ta’ kuntratti tal-biedja bl-inċentivi għall-bdiewa, programmi għat-titjib tas-saqwi billi tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal uċuħ tar-raba’ b’valur miżjud ogħla u li jeħtieġu anqas ilma, billi jitqassmu l-kwoti mogħtija lill-baċir, u sistema ta’ prezzijiet li permezz tagħha l-ispejjeż li ntefqu jerġgħu jinġabru. Ir-reġjun tal-Andalusija fi Spanja huwa eżempju ta’ sistema ta’ irrigazzjoni modernizzata: f’dan ir-reġjun, fi żmien 30 sena biss, il-ħtiġijiet tal-ilma għal kull ettaru naqsu bin-nofs.

5.7   Il-KESE jirrikonoxxi l-bżonn li tiġi implimentata teknoloġija ġdida li tagħmilha possibbli mhux biss li jintuża anqas ilma izda wkoll li jsir l-aħjar użu minnu. Rigward il-ġestjoni tal-ilma agrikolu, għandhom jiġu eżaminati strumenti differenti, pereżempju sistemi ta’ irrigazzjoni lokalizzata, il-purifikazzjoni u d-desalinizzazzjoni tal-ilma, infrastruttura ġdida, varjetajiet li ġeneralment huma adattati aktar għall-iskarsezza serja tal-ilma (water stress) u l-użu ta’ ilma mhux konvenzjonali, eċċ.

Brussell, 18 ta’ Frar 2010.

Il-President tas-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  L-Unjoni għall-Mediterran bħalissa tlaqqa’ s-27 Stat Membru u dawn l-Istati Mediterranji: l-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Eġittu, l-Iżrael, l-Awtorità Palestinjana, is-Sirja, il-Libanu, il-Ġordan, il-Kroazja, l-Albanija, il-Montenegro, il-Bosnja-Ħerzegovina, Monako, il-Mawritanja u l-Libja (li għandha status ta’ osservatur).

(2)  Il-konferenzi regolari tal-ministri tal-kummerċ fi ħdan l-Isħubija Ewro-Mediterranja għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu spinta politika lill-aspetti kummerċjali tal-proċess tal-liberalizzazzjoni. L-aħħar konferenza ministerjali saret f’Novembru 2009 fil-bini tal-KESE fi Brussell.

(3)  Is-settur tal-frott u l-ħaxix jirrappreżenta 16 % tal-produzzjoni agrikola totali fl-UE, iżda l-ammont li jingħata bħala għajnuna mhuwiex aktar minn 4,5 % tal-infiq marbut mal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija.

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “Is-sigurtà sanitarja tal-importazzjonijiet agrikoli u alimentari” (ĠU C 100, 30.4.2009, p. 60).

(5)  “Sustainability impact asessment, Euro-Mediterranean Agricultural Policy” (Evalwazzjoni tal-impatt tas-sostenibbiltà), EU-MED Agpol.

(6)  Din id-data tinsab fl-istudju “Defining a trade strategy for Southern Mediterranean Countries” (Niddefinixxu strateġija kummerċjali għall-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran), Antoine Bouet, International food policy research institute. 2006.

(7)  Minn fost il-fondi kollha tal-MEDA mogħtija lill-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, 5 % biss ġew allokati lill-agrikoltura u l-iżvilupp rurali.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-UE u l-isfida globali tal-ikel”(ĠU C 100, 30.4.2009, p. 44.).

(9)  Matul l-għaxar snin li ġejjin, il-Marokk ser jalloka madwar 150 miljun dirham permezz tal-Aġenzija għall-Iżvilupp Agrikolu sabiex jimplimenta l-miżuri mniżżla fl-hekk imsejjaħ “Pjan Aħdar”.

(10)  L-istudju “Impacts of agricultural trade liberalization between the EU and Mediterranean countries” (L-impatt tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Mediterran), EU-MED AgPol, imħejji mis-CIHEAM-IAM Montpellier.

(11)  Il-kontribut tan-nisa għall-produzzjoni agrikola hija partikolarment importanti f’dawk iż-żoni b’rata għolja ta’ migrazzjoni lejn iż-żoni urbani.

(12)  Għal aktar tagħrif, ara www.nowaralebanon.org.

(13)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-nisa fir-reġjun tal-EUROMED”, CESE 1004/2007, 12.6.2007. Dawn il-kwistjonijiet ġew diskussi wkoll waqt it-Tieni Konferenza Ministerjali dwar “It-tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-soċjetà” li saret f’Marrakexx, 11–12 ta’ Novembru 2009.

(14)  Ara l-opinjonijiet tal-KESE: “Ir-rabta bejn il-bidla fil-klima u l-biedja fl-Ewropa”ĠU C 27, 3.2.2009, p. 59., “L-iskarsezza tal-ilma u l-perijodi ta’ nixfa”ĠU C 224, 30.8.2008, p. 67.

(15)  Il-“Plan Bleu” huwa ċentru għall-kooperazzjoni u l-iżvilupp ambjentali fil-Mediterran, fil-qafas tal-Programm tan-NU għall-Mediterran (il-Programm tan-Nazzjoniiet Uniti għall-Ambjent/il-Pjan ta’Azzjoni għall-Mediterran).


18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/48


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni tal-aspetti soċjoekonomiċi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 347/07)

Relatur: is-Sur ZUFIAUR NARVAIZA

Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-26 ta’ Frar 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-promozzjoni tal-aspetti soċjoekonomiċi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar is-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’110 voti favur, l-ebda vot kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Rakkomandazzjonijiet

1.1   Qabża ’l quddiem fil-kwalità tas-sħubija strateġika bireġjonali. Fil-fehma tal-KESE, huwa kruċjali, fil-kuntest globali l-ġdid, li d-djalogu politiku jissaħħaħ u li titfassal aġenda aktar b’saħħitha, li tiffoka kemm fuq l-aspetti komuni tal-interdependenza kif ukoll fuq kwistjonijiet li jirrikjedu regulazzjoni internazzjonali aħjar, bħall-ambjent, it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, il-migrazzjoni, il-paċi u s-sigurtà. Fil-qasam bireġjonali, il-konklużjonijiet tas-summit għandhom ikunu implimentati b’mod aktar effettiv.

1.2   Impetu ġdid lill-politiki tradizzjonali. Dan ifisser li l-migrazzjoni jkollha post prominenti fl-aġenda bireġjonali; li jintuża approċċ lejn il-koeżjoni soċjali bbażat fuq perspettiva globali li tkompli tqarreb il-kooperazzjoni lejn dan il-għan; li jinħolqu mekkaniżmi ta’ konverġenza strutturali; li tingħata spinta lill-politiki settorjali; u li jinħolqu kundizzjonijiet li jwasslu għal xogħol deċenti. Il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni għandhom jikkunsidraw b’mod adatt l-asimmetriji eżistenti, billi jagħmlu użu minn għodda bħalma huma l-valutazzjoni tas-sostenibbiltà, ir-rikonoxximent effettiv tal-prinċipju tat-trattament speċjali u differenzjali għall-pajjiżi li huma inqas żviluppati, l-istabbiliment ta’ eċċezzjonijiet u perijodi ta’ transizzjoni f’setturi fejn dan huwa meħtieġ, u approċċ differenzjali lejn il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Il-kooperazzjoni mal-pajjiżi bi dħul medju tal-Amerika Latina għandha tiġi diretta lejn l-għanijiet tal-istabbiltà makroekonomika, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali, it-titjib tal-kompetittività u l-kapaċità kummerċjali, ir-riformi tat-taxxa, l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni edukattiva, xjentifika u teknoloġika.

1.3   It-tfassil ta’ aġenda għall-innovazzjoni bħala fattur għall-iżvilupp u għal bidla fil-produzzjoni li tkopri l-aspetti soċjali tal-innovazzjoni. Il-KESE jappella sabiex id-dimensjoni soċjali tal-innovazzjoni tiġi kkunsidrata fl-aspetti kollha tagħha: l-importanza tal-kuntesti soċjali u kulturali fil-proċessi tal-innovazzjoni teknoloġika; il-barrieri soċjali, bħall-faqar, li jxekklu l-innovazzjoni; l-impatt soċjali tal-politiki tal-innovazzjoni; il-kapaċità tal-innovazzjoni li tiġġenera n-nisġa soċjali; il-bżonn li tiġi kkunsidrata l-innovazzjoni prodotta mis-soċjetà stess, imsejsa fuq għarfien mgħoddi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni jew fuq għarfien kollettiv jew inkella prattiku u riflessa fl-oqsma soċjali u ambjentali, pereżempju, u li dan kollu jieħu l-forma ta’ politiki pubbliċi; l-importanza li s-soċjetà ċivili tkun involuta fl-iżgurar li l-attivitajiet u l-politiki tal-innovazzjoni jkunu aċċettati u implimentati.

1.4   It-tqegħid tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-qalba tas-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Amerika Latina. Għal dan il-għan, il-KESE jappella sabiex il-prijoritajiet tal-politika dwar il-kooperazzjoni tal-UE u l-verżjoni ġdida tal-programm EUROsociAL jinkludu: it-tħeġġiġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-korpi rappreżentattivi tagħhom fil-livell reġjonali fl-Amerika Latina; il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bireġjonali għall-korpi rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili organizzata (SĊO) miż-żewġ reġjuni; l-inklużjoni tal-KESE fil-korp governattiv tal-Fondazzjoni EU-LAC futura; il-parteċipazzjoni tas-SĊO fil-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Latina billi jitwaqqfu Kumitati Konsultattivi Konġunti u billi jiġu inklużi setturi soċjali, tax-xogħol u ambjentali speċifiċi f’dawn il-ftehimiet; l-istituzzjonalizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fis-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Messiku; u l-parteċipazzjoni tal-korpi tas-SĊO fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm EUROsociAL u fil-Forums dwar il-Koeżjoni Soċjali bejn l-Amerika Latina u l-UE.

1.5   Fir-rigward tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles (FTAs) li l-UE qed tinnegozja mar-reġjuni u l-pajjiżi tal-Amerika Latina, il-KESE jenfasizza li l-konformità mad-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali bażiċi għandha titqies bħala kundizzjoni neċessarja sabiex ftehimiet bħal dawn jiġu ffirmati mill-istituzzjonijiet Ewropej. Fil-fehma tal-Kumitat, jeħtieġ li l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ, valutazzjoni u konsultazzjoni għal dawn il-ftehimiet jiġu rikonoxxuti bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata. B’mod partikolari, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li dawn il-prinċipji jiġu inklużi fin-negozjati tal-FTAs li bħalissa qed jiġu diskussi mal-Kolombja u mal-Perù. Il-Kumitat jenfasizza li għandhom isiru dibattiti politiċi fil-fond fi ħdan l-istituzzjonijiet qabel ma jingħata bidu għal xi ftehim – u aktar u aktar qabel ma jiġi ratifikat – bħalma wiegħed il-Kummissarju nominat, is-Sur De Gucht. Il-KESE jitlob ukoll li jkun involut f’dawn id-dibattiti flimkien mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili.

2.   Rendikont pożittiv dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina

2.1   Is-Sitt Summit bejn il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE u tal-Amerika Latina u l-Karibew ser isir f’kuntest dinji, Ewropew u Latino-Amerikan ferm differenti minn dak ta’ għaxar snin ilu, meta ttieħdu l-ewwel passi fis-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Amerika Latina fis-Summit ta’ Rio fl-1999 (1).

2.2   Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina jmorru lura għal aktar minn 30 sena ilu, minn mindu tnedew id-djalogu bejn il-PE u l-Parlatino (il-Parlament tal-Amerika Latina) fis-snin 70, il-Proċess ta’ San José u d-djalogu tal-Grupp UE-Rio. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kienu jippreferu li kieku dawn ir-relazzjonijiet għamlu aktar progress, li kieku xi ftehimiet ta’ assoċjazzjoni ġew iffirmati snin ilu u li kieku l-konklużjonijiet tas-summit tqiegħdu fil-prattika ferm aktar. Madankollu, ir-riżultati globali s’issa kienu xorta waħda pożittivi ħafna. Fis-snin tmenin, din ir-relazzjoni ppruvat twieġeb għall-bżonn urġenti ta’ paċi u demokrazija u dan kien rifless fil-kontribut importanti li tat il-Komunità Ewropea lill-proċess ta’ paċi fl-Amerika Ċentrali. Aktar tard, l-UE ttrattat ir-reġjonaliżmu u s-sħubija strateġika bireġjonali, b’attenzjoni speċifika għal kull sottoreġjun, kif ukoll il-ġestjoni tal-isfidi komuni kkawżati mill-globalizzazzjoni, bħalma huma r-riskji ambjentali, l-enerġija, is-sikurezza tal-ikel, il-migrazzjoni u r-reazzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja. L-għan tal-koeżjoni soċjali u ta’ provvista ta’ assi pubbliċi globali u reġjonali tqiegħed fuq l-aġenda bireġjonali. Bl-istess mod, ir-relazzjoni bireġjonali kellha wkoll impatt fuq il-governanza globali, billi ddefendiet il-multilateraliżmu effettiv. Kif indikat l-aħħar Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea (2), tnedew strumenti konkreti, fosthom is-summits u l-proċess li jwassal għal netwerk ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, inklużi l-ftehimiet ta’ dan it-tip li ġew konklużi maċ-Ċilì u l-Messiku. Ġew iffirmati wkoll sħubijiet strateġiċi mal-Brażil u l-Messiku. B’appoġġ għall-politiki settorjali, inħolqu strumenti bħall-programmi EUROsociAL u EUrocLIMA kif ukoll oħrajn relatati mal-edukazzjoni. Barra minn hekk, twaqqfet ukoll l-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana (EuroLat). L-Unjoni għadha l-ewwel investitur fir-reġjun, it-tieni msieħba fil-kummerċ u l-akbar donatur tal-għajnuna għall-iżvilupp.

2.3   Rigward is-soċjetà ċivili, inbena netwerk ta’ rabtiet ma’ korpi rappreżentattivi tas-SĊO madwar is-sottoreġjuni tal-Amerika Latina, sar kontribut effettiv għaż-żieda fil-koordinazzjoni bejn setturi differenti – in-negozji, it-trejdjunjins, it-tielet settur – fiż-żewġ kontinenti; issaħħet il-kooperazzjoni mal-parlamenti reġjonali; u l-KESE kiseb status ta’ osservatur fil-EuroLAT u għadu kif iffirma protokoll ta’ kooperazzjoni magħha li huwa miftuħ għas-sħubija tal-istituzzjonijiet li huma l-kontroparti tal-KESE fl-Amerika Latina. Fil-kuntest tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Brażil, ġiet stabbilita round table bejn l-UE u l-Brażil li rabtet flimkien lill-KESE u l-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (CDES) tal-Brażil. Il-KESE għen sabiex il-korpi li jinvolvu s-soċjetà ċivili fil-proċessi ta’ integrazzjoni sottoreġjonali fl-Amerika Latina jissaħħu, u ttieħdu passi – li għadhom mhumiex sodisfaċenti – biex is-SĊO tiġi involuta fil-proċeduri ta’ negozjar, fir-rikonoxximent tal-prinċipju li l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u konsultazzjoni għandhom jiġu istituzzjonalizzati fi ħdan il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, u fil-ħtieġa li dawn il-ftehimiet jinkludu d-dimensjoni tax-xogħol kif ukoll dik soċjali u ambjentali.

3.   Lejn qabża ’l quddiem fil-kwalità tas-sħubija strateġika bireġjonali

3.1   Bħalissa, il-kuntest politiku l-ġdid huwa kkaratterizzat mill-kriżi ekonomika dinjija, mill-isfida ambjentali, mit-tisħiħ ekonomiku tal-Asja, mill-waqfien fin-negozjati tad-WTO, miż-żieda fil-flussi tal-migrazzjoni, mill-intensifikazzjoni tal-aspetti kollha tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar u mill-emerġenza ta’ żoni ġodda ta’ governanza globali – pereżempju l-G-20 u l-BRIC. F’dan il-kuntest, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jieħdu sehem dejjem aktar attiv, sehem li se jkollu jiġi estiż għal korpi oħra bħall-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (3) jew l-organizzazzjonijiet tas-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan kollu jfisser li l-aġenda tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina għandha tiġi aġġornata u li għandhom jiġu introdotti mekkaniżmi aktar speċifiċi u effiċjenti sabiex isaħħu l-konklużjonijiet tas-summits u l-aspetti l-oħra kollha tar-relazzjonijiet bilaterali.

3.2   Fl-istess waqt, qed jitnedew proġetti ġodda ta’ integrazzjoni fl-Amerika Latina, bħalma huwa l-każ tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika ta’ Isfel (UNASUR), li jagħmlu aktar enfasi fuq id-dimensjoni politika u d-dimensjoni tas-sigurtà u d-difiża, fuq l-infrastruttura u fuq il-koordinazzjoni tal-politiki tal-enerġija u tal-finanzi. Barra minn hekk, il-bżonn dejjem akbar ta’ politika bbażata fuq il-kooperazzjoni fuq skala internazzjonali, bħalma enfasizzat il-kriżi, qiegħed jagħti lill-kwistjonijiet mhux kummerċjali – ir-riskji ambjentali, l-enerġija, is-sigurtà tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel, il-migrazzjoni, il-faqar u l-inugwaljanza, l-istabbiltà finanzjarja internazzjonali – post aktar prominenti fuq l-aġenda bireġjonali

3.3   Il-KESE jqis li din il-fażi ġdida tirrikjedi djalogu politiku aktar b’saħħtu u aġenda aġġornata, li tiffoka kemm fuq l-aspetti komuni tal-interdependenza kif ukoll fuq kwistjonijiet li jirrikjedu aktar regulazzjoni internazzjonali u ta’ kwalità aħjar, bħall-ambjent, il-migrazzjoni, iż-żieda fl-inugwaljanzi, jew il-paċi u s-sigurtà. Dan għandu jinvolvi t-twaqqif ta’ pjani konġunti biex jindirizzaw il-konsegwenzi soċjali tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, u kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar it-tibdil fil-klima u l-effetti negattivi tiegħu, it-tibdil fil-mudell tal-enerġija tagħna, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-governanza dinjija. Fl-istess ħin, hemm bżonn kontinwu li jinżammu l-għanijiet tradizzjonali tar-relazzjonijiet bireġjonali: il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, l-integrazzjoni reġjonali, it-tisħiħ u t-titjib tal-programmi ta’ kooperazzjoni u l-ħolqien ta’ impetu ġdid sabiex jiġu kkompletati l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni attwali, permezz tal-introduzzjoni ta’ approċċi li jikkunsidraw aktar l-asimmetriji u jiżguraw aħjar il-koeżjoni soċjali. F’dan ir-rigward, il-KESE jilqa’ t-tħabbira tal-Kummissjoni – għad li huwa ċar li għad hemm lok għal titjib – li għandha titwaqqaf Faċilità ta’ Investiment għall-Amerika Latina (FIAL) li tkun kapaċi tippromovi l-integrazzjoni u l-interkonnettività reġjonali kif ukoll l-implimentazzjoni tal-politiki settorjali, issaħħaħ l-element ta’ koeżjoni soċjali fil-ftehimiet – flimkien ma’ miżuri ekonomiċi u soċjali oħra – u tagħti spinta ’l quddiem lill-inizjattivi biex jinħolqu fondi ta’ koeżjoni, bħall-fond ta’ konverġenza strutturali attwali tal-Mercosur (FOCEM) jew il-Fond ta’ Koeżjoni ppjanat skont il-Ftehim tal-Unjoni Doganali adottat mill-Amerika Ċentrali fl-2007.

4.   Lejn parteċipazzjoni aktar mill-qrib tas-soċjetà ċivili organizzata fil-miri u l-programmi tas-Sħubija Strateġika

4.1   Fid-dawl tal-esperjenza tiegħu fl-integrazzjoni Ewropea, il-KESE jqis li, sabiex jissaħħu s-sħubija strateġika bireġjonali u l-miri politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħha, is-soċjetà ċivili organizzata għandha tiġi involuta fil-fażijiet kollha tal-proċess b’mod ħafna aktar iddeterminat, organizzat u effettiv. Il-parteċipazzjoni soċjali hija kruċjali sabiex ir-relazzjonijiet isiru aktar miftuħa, magħrufa u trasparenti, sabiex jiġi promoss sens aktar qawwi ta’ impenn tas-soċjetajiet differenti f’dawn ir-relazzjonijiet u sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe miżura li jkun sar qbil kollettiv fuqha tkun effettiva. Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew twieldu aktar minn tletin sena ilu bis-saħħa tar-rabtiet li nisġu l-movimenti politiċi u l-organizzazzjonijiet soċjali. Dan jispjega għaliex it-tisħiħ tad-djalogu bireġjonali ma jiddependix biss miż-żieda ta’ punti ġodda fuq l-aġenda, jew minn kemm l-aġenda ssir aktar flessibbli u effiċjenti, iżda wkoll minn kemm id-diversi partijiet ikkonċernati u setturi jitħallew jieħdu sehem f’dan id-djalogu.

4.2   Sabiex il-proċeduri ta’ integrazzjoni reġjonali jitwettqu u jsiru leġittimi, huwa tassew essenzjali li jkun hemm moviment minn isfel għal fuq min-naħa tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Bl-istess mod, l-implimentazzjoni tal-politiki tal-koeżjoni pubblika ġġib magħha l-ħtieġa li jitwaqqfu u jissaħħu l-istituzzjonijiet soċjali parteċipattivi. F’dan ir-rigward, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li, meta jiġġedded il-programm EUROsociAL, jiġi kkunsidrat programm li jsaħħaħ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-korpi rappreżentattivi tagħhom fil-livell reġjonali.

4.3   Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għan tas-sħubija strateġika bireġjonali rigward programm ta’ azzjoni aktar speċifiku u operattiv li jista’ jkun issorveljat u vvalutat. Sabiex ikun kemm jista’ jkun effettiv, dan jirrikjedi, fost l-oħrajn, involviment strutturat tad-diversi korpi li jirrappreżentaw is-SĊO fl-Amerika Latina u fl-UE: il-Forum Konsultattiv Ekonomiku u Soċjali tal-Mercosur, il-Kumitat Konsultattiv SICA, il-Kunsilli Konsultattivi Andini tax-Xogħol u n-Negozju, il-Kunsill Konsultattiv Andin tal-Popli Indiġeni, l-Organizzazzjoni Andina tal-Konsumaturi u korpi oħra li jistgħu jiġu stabbiliti fiċ-Ċilì u l-Messiku u l-KESE stess. Dawn il-korpi kollha jistgħu jagħtu kontribut pożittiv fl-implimentazzjoni ta’ politiki bħalma huma dawk dwar il-koeżjoni soċjali, it-tibdil fil-klima, l-innovazzjoni, il-migrazzjoni, ix-xogħol deċenti, eċċ., li jistgħu jiġu adottati mis-summit u jiffurmaw parti mill-aġenda bireġjonali. Għalhekk, il-KESE huwa lest li jgħin fit-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bireġjonali għall-korpi rappreżentattivi tas-SĊO miż-żewġ reġjuni sabiex ikunu jistgħu jressqu dawn il-kontributi matul il-perijodi ta’ bejn is-summits bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew.

4.4   Il-KESE jilqa’ t-tħabbira li se titwaqqaf Fondazzjoni EU-LAC, sabiex tħejji, tissorvelja u, fejn ikun adatt, timplimenta l-mandati tas-summit, u huwa tal-fehma li l-funzjoni li din il-fondazzjoni tista’ taqdi fl-organizzazzjoni u l-involviment tad-diversi atturi taf tkun pożittiva ħafna f’dan ir-rigward. Bħala l-korp l-aktar rappreżentattiv tas-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, il-KESE jitlob li jkun involut fil-korp governattiv ta’ din il-fondazzjoni futura.

4.5   Kif intalab fis-summits kollha ta’ qabel, il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, min-naħa tagħhom, għandhom jirriflettu l-parteċipazzjoni tas-SĊO, fil-forma ta’ Kumitati Konsultattivi Konġunti fil-qafas tagħhom; l-inklużjoni tad-dimensjoni tax-xogħol kif ukoll ta’ dik soċjali u ambjentali fil-ftehimiet; u l-involviment u l-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-valutazzjoni tal-impatt ta’ dawn il-ftehimiet.

4.6   Il-KESE jitlob ukoll li l-parteċipazzjoni tkun koperta fis-sħubija strateġika bejn il-Messiku u l-UE, bħalma sar fil-każ tas-soċjetà ċivili miż-żewġ naħat fis-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Brażil permezz tat-twaqqif ta’ round table li ġabret flimkien lill-istituzzjonijiet rappreżentattivi tas-sħubija.

4.7   Il-KESE jqis li, biex is-soċjetà ċivili organizzata tkun integrata b’mod effettiv fis-sħubija strateġika bireġjonali, il-ħidma tiegħu mal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana trid tiġi żviluppata. Għal dan il-għan, ser iwaqqaf sistema effettiva għall-komunikazzjoni mal-Assemblea u, bħala organizzazzjoni li tosserva l-EuroLat, ser iwassal il-kontributi tas-soċjetà ċivili organizzata dwar temi li jkunu qed jiġu diskussi u li jkunu ġew approvati mill-Assemblea. It-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bireġjonali msemmi fil-Punt 4.3 hawn fuq ser jagħti kontribut qawwi għal dan il-għan.

4.8   Fl-istess waqt, il-KESE jħeġġeġ involviment akbar tal-organizzazzjonijiet soċjoprofessjonali fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tat-tieni fażi tal-programm EUROsociAL. Iqis ukoll li jkun jista’ jagħti kontribut aktar effettiv lill-Forum dwar il-Koeżjoni Soċjali jekk ikun aktar involut fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tiegħu.

5.   L-aspetti soċjoekonomiċi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina

5.1   Il-politika tal-immigrazzjoni bejn l-Amerika Latina u l-UE

5.1.1   Iż-żieda fil-fluss tal-migrazzjoni mill-Amerika Latina lejn l-Ewropa tirrikjedi li d-djalogu bejn l-Ewropa u l-Amerika Latina dwar il-migrazzjoni jokkupa post prominenti fl-aġenda bireġjonali. Id-djalogu għandu jwassal għal ftehimiet li jagħtu prijorità lill-implimentazzjoni ta’ politiki ta’ migrazzjoni li jħarsu ’l quddiem u li joffru rotot legali għall-migrazzjoni u jippromovu politiki ta’ integrazzjoni adatti. Għaldaqstant, id-drittijiet fundamentali tal-migranti għandhom jiġu żgurati, speċjalment id-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali; jeħtieġ ftehimiet dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali; il-proċeduri għall-migrazzjoni temporanja u r-riunifikazzjoni tal-familji għall-ħaddiema migranti fl-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ssemplifikati; u għandhom jintlaħqu ftehimiet li jippromovu d-dritt għall-parteċipazzjoni politika tal-immigranti. Fl-istess waqt, il-migranti mill-UE lejn il-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Karibew għandhom jingħataw trattament reċiproku.

5.1.2   Fir-rigward tal-flussi migratorji, kemm temporanji (ħaddiema sekondati) kif ukoll permanenti (emigrazzjoni tradizzjonali), għandhom jinstabu soluzzjonijiet sabiex il-ħaddiema li jkunu sekondati b’mod temporanju mill-UE fl-Amerika Latina, jew bil-maqlub, bl-għan li jipprovdu servizz jew b’relazzjoni ma’ investiment tal-kumpaniji, ma jkunux soġġetti għal kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali doppji kemm fil-pajjiż tal-oriġini kif ukoll f’dak fejn ikunu qed iwettqu l-ħidma tagħhom. Din il-kontribuzzjoni doppja tista’ tiġi evitata permezz ta’ strumenti bilaterali li jiżguraw li l-liġi tiġi applikata darba biss.

5.1.3   Rigward forom aktar tradizzjonali ta’ emigrazzjoni, huwa kruċjali li l-esportabbiltà tal-benefiċċji tiġi rregolata, b’mod speċjali l-pensjonijiet tal-irtirar. L-aċċettazzjoni jew l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ dan it-tip, li jixbhu l-mekkaniżmi li diġà jeżistu f’oqsma oħra, kemm mill-UE kif ukoll mill-Amerika Latina, tkun tista’ ssaħħaħ ir-relazzjonijiet uffiċjali u tiffaċilita s-sitwazzjoni tal-ħaddiema emigranti li, wara li jkunu temmew il-ħajja tax-xogħol tagħhom, ikunu jistgħu jmorru lura f’pajjiżhom bil-pensjonijiet li jkunu qalgħu permezz tax-xogħol u l-kontribuzzjonijiet tagħhom.

5.1.4   Sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiema migranti jkollhom jgħaddu minn riunifikazzjoni tal-familja fuq perijodu qasir, bil-konsegwenza li jkollhom jitilqu mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom, il-benefiċċji tal-familji jistgħu jiġu rikonoxxuti fil-każijiet fejn ħaddiem jaħdem fi Stat u l-membri tal-familja tiegħu jgħixu fi Stat ieħor. Permezz ta’ dan, ikunu jistgħu jiċċaqalqu l-benefiċċji, u mhux il-familji, u dan ikun ta’ benefiċċju għal kulħadd. F’dan ir-rigward, u bħala pass inizjali, jistgħu jsiru sforzi sabiex jiġi żgurat li l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni EU-LAC eżistenti, jew dawk li bħalissa qed jiġu nnegozjati, jinkludu klawsoli dwar is-sigurtà soċjali li jixbhu lil dawk li jinsabu fil-ftehimiet Ewro-Mediterranji (4). Fl-aħħar, tista’ tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ koordinazzjoni bejn il-ftehim multilaterali tal-Amerika Latina dwar is-sigurtà soċjali (5)u r-Regolament 883/2004. Dan ikun ta’ għajnuna għall-ħaddiema u n-negozji u jikkontribwixxi sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali bejn l-UE u l-Amerika Latina.

5.1.5   Il-KESE jemmen li hija ta’ importanza kbira li l-programm EUROsociAL II li ser jitnieda dalwaqt jinkludi l-migrazzjoni bejn l-UE u l-Amerika Latina fost il-prijoritajiet ta’ azzjoni tiegħu. Fl-istess waqt, jitlob li tiġi adottata l-proposta tal-Parlament Ewropew biex jitwaqqaf osservatorju bireġjonali għall-migrazzjoni.

5.2   Il-koeżjoni soċjali

5.2.1   Bħalma turi l-esperjenza Ewropea, il-koeżjoni soċjali tirrikjedi li, minbarra l-eżistenza tal-Fondi Strutturali, issir enfasi globali u konsistenti li tinkludi medda ta’ politiki mill-istabbiltà makroekonomika sa miżuri kontra d-diskriminazzjoni. Il-koeżjoni tiddependi essenzjalment mill-politiki u r-riżorsi nazzjonali: għalhekk, l-Amerika Latina għandha tikkonċentra aktar fuq politiki interni, bħat-tassazzjoni u l-ħarsien soċjali, li jippromovu b’mod attiv il-kompetittività u x-xogħol deċenti.

5.2.2   Min-naħa l-oħra, il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali fil-proċessi tal-integrazzjoni reġjonali tirrikjedi għadd ta’ miżuri. Dawn ivarjaw mir-rikonoxximent tal-asimmetriji bejn il-pajjiżi u r-reġjuni għal azzjonijiet oħrajn li jkopru l-infrastruttura, il-fondi ta’ koeżjoni, l-armonizzazzjoni tal-liġi, politiki regolatorji, mekkaniżmi effettivi għas-soluzzjoni tal-konflitti, politiki ta’ armonizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol, il-ġestjoni konġunta tal-migrazzjoni, politiki industrijali u politiki ta’ appoġġ għas-setturi ta’ produzzjoni. Aktar minn enfasi esklużivament istituzzjonali, il-KESE jemmen li s-sħubija bireġjonali għandha bżonn timxi ’l quddiem fid-djalogu settorjali sabiex toħloq pjan ta’ azzjoni bireġjonali li jkun kapaċi jiġġenera dinamika għall-integrazzjoni u jikkontribwixxi għall-konverġenza ekonomika u soċjali fir-reġjun billi jittratta l-asimmetriji interni bejn il-pajjiżi u r-reġjuni.

5.2.3   Il-KESE jinsab konvint li l-impetu qawwi ta’ qafas demokratiku għar-relazzjonijiet tax-xogħol, l-iżvilupp tax-xogħol deċenti, ir-regolarizzazzjoni tal-ekonomija moħbija, il-ħarsien soċjali, in-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali huma fatturi ewlenin għall-koeżjoni soċjali. Għalhekk, jappella sabiex il-programm EUROsociAL II jinkludi lill-imsieħba soċjali fil-valutazzjoni tal-impatt tal-ewwel esperjenza tal-EUROsociAL f’dan il-qasam u fit-tiswir u l-ġestjoni tas-suċċessur tiegħu.

5.2.4   Il-KESE jemmen li r-rikonoxximent tad-drittijiet tal-popli indiġeni, kif inhu stabbilit fil-Konvenzjoni 169 tal-ILO tal-1989 dwar il-popli indiġeni u tribali f’pajjiżi indipendenti, huwa essenzjali għall-koeżjoni soċjali.

5.3   Il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni

5.3.1   Il-KESE jemmen li, sabiex in-negozjati dwar il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni li għaddejjin bħalissa jiġu ffaċilitati u wkoll sabiex isir kontribut għall-għanijiet bireġjonali tal-koeżjoni soċjali, huwa meħtieġ li l-ftehimiet – li jinvolvu proċessi ta’ liberalizzazzjoni ekonomika mifruxa – jikkunsidraw b’mod adatt l-asimmetriji eżistenti bejn ir-reġjuni rilevanti tal-Amerika Latina u l-UE. Għal dan il-għan, għandu jsir użu minn għodod bħalma huma l-valutazzjoni tas-sostenibbiltà (inkluż is-sehem attwali tas-soċjetà ċivili organizzata fl-istudji tal-impatt), ir-rikonoxximent tal-prinċipju tat-trattament speċjali u differenzjali, l-istabbiliment ta’ eċċezzjonijiet u perijodi ta’ transizzjoni f’setturi fejn dawn huwa meħtieġ, approċċ differenzjali lejn il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-impetu li jagħtu l-fondi ta’ konverġenza.

5.3.2   Il-KESE jikkunsidra wkoll li huwa essenzjali li l-UE tkompli għaddejja bil-politika tagħha ta’ appoġġ għall-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali fl-Amerika Latina. Huwa jqis li n-negozjati multilaterali mibdija ma’ ċerti pajjiżi kif ukoll is-sħubijiet strateġiċi mwaqqfa ma’ pajjiżi oħrajn għandhom jikkontribwixxu għall-ksib ta’ ftehimiet reġjonali u għat-tisħiħ tal-proċessi ta’ integrazzjoni. Għal dan il-għan, għandhom jiġu applikati strateġija u miżuri bħal dawk imsemmija fil-Punt 5.2.2. Għall-KESE, dan huwa pedament bażiku għas-sħubija strateġika bireġjonali kif ukoll kundizzjoni preliminari essenzjali sabiex l-Ewropa u l-Amerika Latina jsiru msieħba globali fil-governanza multilaterali.

5.3.3   Il-KESE jitlob li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċilì li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili jitlaħħmu u jitħaddmu fil-prattika. Għal dan il-għan, jappella għal konsultazzjoni mal-KESE u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili fiċ-Ċilì. Fl-istess waqt, il-KESE jħeġġeġ lill-Kunsill tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Messiku jwaqqaf Kumitat Konsultattiv Konġunt sabiex ikun jista’ jwettaq ix-xogħol ta’ segwitu u jikkonsulta s-soċjetà ċivili skont il-ftehim.

5.4   Kooperazzjoni

5.4.1   Matul dawn l-aħħar snin, saru sforzi kbar sabiex il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE ssir konformi mat-tibdil fl-aġenda għall-iżvilupp, inklużi aspetti li jaffettwaw lil pajjiżi bi dħul medju. Mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni konsistenti tar-riżorsi prinċipalment lill-pajjiżi tar-reġjun li għandhom l-aktar dħul baxx, il-KESE jikkunsidra li għandha titkompla l-kooperazzjoni mal-pajjiżi bi dħul medju, billi din il-kooperazzjoni tiġi orjentata lejn għanijiet strateġiċi bħall-istabbiltà makroekonomika u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali, l-effettività u l-effiċjenza tal-politiki pubbliċi, ir-riformi tat-taxxa, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-investiment fil-kapital uman, l-innovazzjoni u l-appoġġ għall-atturi soċjali bħala promoturi tat-tibdil fl-istituzzjonijiet u fil-liġi.

5.4.2   Sabiex jintlaħqu ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, ser ikun hemm bżonn adattament akbar tal-programmi ta’ kooperazzjoni sabiex jappoġġjaw lill-politiki għat-tibdil fil-produzzjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività, b’enfasi speċjali dwar il-kapaċità tal-SMEs, l-iffaċilitar tal-kummerċ u r-rabtiet fiżiċi bejn is-swieq.

5.4.3   Bl-istess mod, il-kapaċità kummerċjali ser ikollha tingħata spinta ’l quddiem u l-adozzjoni ta’ politiki konġunti taħt il-proċessi ta’ integrazzjoni reġjonali jingħataw stimolu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali u jonqsu l-asimmetriji interni. Min-naħa tagħha, il-kooperazzjoni edukattiva, xjentifika u teknoloġika tista’ sservi ta’ appoġġ għall-bidla fil-produzzjoni u għall-politiki ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni (R+Ż+I) nazzjonali kemm permezz tal-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll permezz ta’ programmi ta’ inċentiv għas-settur privat.

6.   Innovazzjoni, bidla fil-produzzjoni u żvilupp

Fit-tħejjija għas-Sitt Summit bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew, il-gvernijiet iddeċidew li l-innovazzjoni għandha tkun it-tema ewlenija tiegħu.

6.1   L-innovazzjoni hija wieħed mill-muturi ewlenin tal-iżvilupp, jew saħansitra l-mutur ewlieni, u hija kruċjali għal ċikli ta’ tkabbir u benesseri sostenuti fit-tul. Minkejja li l-industrija tibqa’ taqdi rwol ċentrali fil-ksib tal-progress tekniku, l-innovazzjoni issa tmiss lil setturi ekonomiċi oħrajn: is-servizzi, l-agrikoltura, il-minerali u l-enerġija. B’konsegwenza ta’ dan, hija ta’ importanza vitali jekk irridu li l-produttività tiżdied f’ħafna oqsma oħrajn.

6.2   L-innovazzjoni hija wkoll fattur deċiżiv f’żewġ tendenzi ewlenin li jikkaratterizzaw il-globalizzazzjoni ekonomika: l-iżvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien u bidla lejn ekonomija sostenibbli. F’dawn l-oqsma, il-mod kif jinteraġixxu d-dimensjonjiet globali u lokali tal-innovazzjoni huwa kundizzjoni essenzjali.

6.3   Il-KESE ser jipproponi lill-organizzazzjonijiet kontroparti tiegħu fl-Amerika Latina li s-Sitt Laqgħa tas-soċjetà ċivili organizzata tal-UE u tal-Amerika Latina u l-Karibew għandha tagħmel stqarrija dwar l-importanza tal-innovazzjoni għal bidla fil-produzzjoni, l-iżvilupp u l-koeżjoni soċjali, u dwar l-aspetti varji tad-dimensjoni soċjali li ġġib magħha l-innovazzjoni. Dan huwa partikolarment sinifikanti għar-relazzjonijiet bireġjonali fi żmien meta hemm ħsieb li jitwaqqaf “netwerk” ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni, inklużi ż-żoni tal-kummerċ ħieles. L-għanijiet ambizzjużi ta’ dawn il-ftehimiet – li huma meqjusa bħala ftehimiet tat-tip “WTO plus”, billi jmorru lil hinn min-negozjati tad-WTO – fir-rigward tal-liberalizzazzjoni ekonomika jistgħu jinvolvu spejjeż ta’ aġġustament kbar li jirrikjedu politiki attivi maħsuba biex ibiddlu u jimmodernizzaw il-produzzjoni u jistimolaw il-kompetittività. L-introduzzjoni ta’ sistemi nazzjonali ta’ riċerka, innovazzjoni u żvilupp għandhom jaqdu rwol ewlieni f’dawn il-politiki.

6.4   It-trasferiment tat-teknoloġija huwa aspett partikolarment sinifikanti, meta wieħed iqis ir-rwol ewlieni tiegħu fil-proċessi ta’ innovazzjoni. L-esiġenzi għoljin tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jistgħu jservu ta’ inċentiv jew garanzija għat-trasferiment tat-teknoloġija minn investituri Ewropej iżda fl-istess ħin jistgħu jirrappreżentaw ostaklu sinifikanti għall-ħolqien u t-trasferiment tat-teknoloġija u l-innovazzjoni, bħalma semmew bosta gvernijiet fir-reġjun ikkonċernat. Għalhekk, huwa importanti li tiġi introdotta flessibbiltà akbar f’dawn il-ftehimiet u li dawn jirrikonoxxu l-asimmetriji kbar bejn iż-żewġ reġjuni f’dan il-qasam. Bħalma ssemma hawn fuq, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE għandha tiġi inkluża għal dan il-għan.

6.5   L-UE diġà għandha bosta strumenti għall-kooperazzjoni fir-R+Ż+I mal-Amerika Latina u l-Karibew. Dawk li jaqgħu taħt is-7 Programm Qafas u l-Ftehimiet ta’ Kooperazzjoni Teknoloġika, konklużi mal-pajjiżi relattivament inqas żviluppati tar-reġjun, huma ta’ min isemmihom, bħalma huma l-programmi għall-boroż ta’ studju u l-kooperazzjoni akkademika bireġjonali (ALBAN, ALFA) u dawk immexxija mid-Direttorat għall-Edukazzjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, għalissa ma hemm l-ebda strateġija integrata li tiġbor flimkien dawn l-istrumenti kollha u li żżomm mal-għanijiet tas-sħubija bireġjonali. Hemm bżonn urġenti li tinstab soluzzjoni għall-frammentazzjoni attwali ta’ dawn l-istrumenti, speċjalment fi ħdan il-Kummissjoni, u li jiġi żgurat li dawn l-istrumenti jgħinu jistimolaw il-kapaċitajiet R+Ż+I nazzjonali. F’dan ir-rigward, ta’ min itenni l-importanza li tinħoloq Żona Komuni EU-LAC għall-Edukazzjoni Għolja u r-Riċerka, bħala parti mis-“sħubija strateġika” bireġjonali, u ta’ min ifassal aġenda komuni għaż-żewġ reġjuni fir-rigward tal-innovazzjoni u l-iżvilupp. Il-kooperazzjoni edukattiva, xjentifika u teknoloġika tista’ tipprovdi appoġġ għall-bidla fil-produzzjoni u għall-politiki R+Ż+I nazzjonali.

6.6   Madankollu, l-innovazzjoni tmiss għadd ta’ oqsma oħrajn li huma importanti għas-sħubija bireġjonali, bħalma huwa t-titjib fil-livell u l-kwalità tal-ħajja minħabba l-impatt tiegħu, pereżempju, fuq produttività ogħla fil-produzzjoni tal-ikel, b’mod li jikkontribwixxi għas-suffiċjenza fl-ikel. Mod ieħor huwa permezz tal-applikazzjoni ta’ metodi u teknoloġiji innovattivi, u prodotti u servizzi ġodda f’oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni u s-sigurtà soċjali. Dan jagħmilha aktar faċli għal ċerti setturi tal-popolazzjoni biex ikollhom aċċess għal dawn is-servizzi u jneħħi d-diskriminazzjoni, bħalma jiġri fl-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni. It-teknoloġiji ġodda għall-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u għat-tisħiħ tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u t-tnaqqis tat-tniġġis ikkawżat mill-enerġiji fossili huma eżempji ta’ kemm l-innovazzjoni taqdi rwol sinifikanti fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja, bħalma huma dawk it-teknoloġiji maħsuba biex isolvu l-problemi tal-aċċess għall-ilma tax-xorb u d-deżertifikazzjoni.

6.7   Jeżisti kunsens li t-tliet pilastri tal-innovazzjoni huma l-għarfien, l-istituzzjonijiet u n-negozji. Għaldaqstant, l-atturi ewlenin fil-proċess tal-innovazzjoni huma, b’mod ġenerali, l-universitajiet, l-awtoritajiet pubbliċi u ċ-ċentri ta’ produzzjoni. Madankollu, l-innovazzjoni tista’ tiġi minn tipi differenti ta’ għarfien: xjentifiku, teknoloġiku, mgħoddi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni jew akkumulat (pereżempju nies tal-post li jkunu familjari mal-proprjetajiet tal-pjanti jew ħaddiema tas-sengħa f’kumpanija). B’mod simili, b’“istituzzjonijiet” (dawk li mhumiex relatati mas-suq) wieħed għandu jifhem l-aġenziji u istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn, minkejja li tipi oħrajn ta’ istituzzjonijiet huma importanti wkoll fl-iżvilupp tal-innovazzjoni, bħall-awtoritajiet inkarigati mir-relazzjonijiet industrijali. Fl-aħħar, l-innovazzjoni ma tikkonċernax biss is-settur tal-produzzjoni u l-kumpaniji, iżda wkoll is-settur soċjali (is-saħħa, l-edukazzjoni, id-djar, id-difiża, il-ġustizzja, is-sigurtà) u ambjentali (l-ilma, il-ħamrija, il-bijodiversità, id-deforestazzjoni, eċċ.).

6.8   F’termini ta’ analiżi teoretika, huwa rikonoxxut li jeħtieġ approċċ tal-innovazzjoni bbażat fuq perspettiva soċjali globali, li jħares lejn l-innovazzjoni bħala sistema sħiħa li taffettwa lis-soċjetà kollha, fis-setturi kollha, u li tiġbor sensiela ta’ aspetti minn dawk li huma purament xjentifiċi jew teknoloġiċi għal dawk li huma soċjali jew istituzzjonali. B’hekk, l-aspetti soċjokulturali u organizzattivi tal-innovazzjoni bdew jiġu kkunsidrati mis-snin disgħin ’il quddiem, filwaqt li qabel ftit li xejn kienu ġew ikkunsidrati. Minn perspettiva storika, l-innovazzjoni teknoloġika timxi id f’id mal-innovazzjoni soċjali jew mad-dimensjoni soċjali tal-innovazzjoni, jew bil-maqlub. Ir-rabta bejn l-innovazzjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku hija waħda evidenti; b’hekk, id-dimensjoni soċjali tal-innovazzjoni tista’ titqies bħala waħda ta’ importanza vitali, b’mod speċjali f’kuntesti ta’ żvilupp strutturali embrijoniku.

6.9   Aspett ewlieni ieħor tal-innovazzjoni huwa l-kapaċità tagħha li tiġġenera nisġa soċjali, li tiffaċilita r-rabtiet soċjali bejn l-individwi, il-gruppi u l-istituzzjonijiet fuq il-bażi ta’ ftehimiet bażiċi (il-ġid komuni, l-interess komuni, futur kondiviż, eċċ.), rabtiet li jistgħu jiġġeneraw ambjent soċjali li jwassal għall-introduzzjoni, l-integrazzjoni u d-disseminazzjoni tal-innovazzjoni.

6.10   Madankollu, ta’ min iżomm f’rasu li l-barrieri soċjali, bħall-faqar, ixekklu l-proċessi ta’ innovazzjoni b’mod oġġettiv. Dan għaliex, l-ewwel nett, jillimitaw l-assimilazzjoni taż-żidiet fil-produzzjoni li jkunu ġġenerati mill-innovazzjoni, minħabba n-nuqqas ta’ domanda solvibbli (solvent demand). U t-tieni nett, minħabba n-nuqqas ta’ kapital uman li huwa kapaċi jippromovi u jimplimenta l-proċessi ta’ innovazzjoni.

6.11   Minbarra dak li ssemma hawn fuq, l-innovazzjoni hija l-frott ta’ sensiela kumplessa ta’ relazzjonijiet bejn atturi li jipproduċu, jiddistribwixxu u japplikaw tipi differenti ta’ għarfien. F’ħafna każi – bħal fil-każ tal-clusters industrijali u l-clusters tal-iżvilupp – l-innovazzjoni tirrikjedi impetu reġjonali u lokali qawwi, u dan huwa impossibbli mingħajr il-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-innovazzjoni tinvolvi bidla kulturali fil-fond, li permezz tagħha ssib ruħha fil-qalba tal-istrateġiji ekonomiċi u soċjali. Fil-livell tal-kumpaniji, l-innovazzjoni tirrikjedi investiment għali u fit-tul. Titlob li s-soċjetà taċċetta l-bidla u li s-sistemi tar-relazzjonijiet industrijali jkunu bbażati fuq in-negozjar u l-kunsens, u titlob ukoll politika ta’ taħriġ għall-kapital uman fil-fażijiet u l-livelli kollha, inklużi t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja.

6.12   Għall-għanijiet ta’ din l-opinjoni, dawn il-punti jwasslu għal konklużjoni waħda: l-importanza tad-dimensjoni soċjali tal-innovazzjoni. Sabiex jiġi eliminat ir-riskju li jġib miegħu approċċ teknokratiku lejn l-innovazzjoni, jeħtieġ li tiġi enfasizzata l-importanza li għandhom f’dawn il-proċessi kemm il-parteċipazzjoni soċjali kif ukoll l-oqfsa istituzzjonali li jippermettu u jistimolaw l-innovazzjoni. Dan huwa partikolarment importanti għall-KESE, li jsejjaħ għal parteċipazzjoni ġenwina min-naħa tal-atturi soċjali u l-korpi li jirrappreżentawhom fil-proposti li jikkonċernaw il-kapital uman u, b’mod usa’, l-inklużjoni tad-dimensjoni soċjali fil-pjan ta’ azzjoni għall-innovazzjoni li huwa mistenni li jitfassal waqt is-summit.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Is-summits li saru s’issa huma dawn: Rio de Janeiro 1999; Madrid 2002; Messiku 2004; Vjenna 2006; Lima 2008.

(2)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar L-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina: Atturi Globali fi Sħubija, COM(2009) 495/3.

(3)  F’dan ir-rigward, ara r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE skont ma huma mfassla fil-Programm għall-Ewropa: l-UE għandha tieħu passi biex “jiġi promoss it-tkabbir tas-setgħat tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istituzzjonijiet internazzjonali, b’mod partikulari fi ħdan il-FMI u l-Bank Dinji” (18.3).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (2000/204/EC, ECSC) – ĠU L 70, 18.3.2000, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap. 11, Vol. 33, p. 175) – ara b’mod partikolari l-Artikoli 64 sa 68.

(5)  http://www.oiss.org/IMG/pdf/Convenio_2007_esp.pdf.


18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/55


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Marokk”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2010/C 347/08)

Relatur: is-Sinjura LÓPEZ ALMENDÁRIZ

Nhar l-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29 (2) tar-Regoli ta’ Proċeudra tiegħu li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Marokk.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Jannar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’187 vot favur, 2 voti kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jikkunsidra li l-impenn li ħa l-Marokk għat-twaqqif ta’ kunsill ekonomiku u soċjali huwa ta’ importanza kbira, u jittama li din l-inizjattiva tkun tista’ tiġi implimentata fiż-żmien stabbilit. L-implimentazzjoni waslet fi stadju avvanzat fid-dawl tal-fatt li f’Ottubru li għadda l-Kunsill tal-Ministri approva abbozz ta’ liġi organika dwar it-twaqqif ta’ din l-istituzzjoni ġdida li ser jitressaq quddiem il-parlament tal-Marokk għall-approvazzjoni. Wieħed jittama li l-kunsill ekonomiku u soċjali jkun jista’ jibda jopera fix-xhur li ġejjin, magħmul minn rappreżentanti tal-gruppi ta’ interess vitali u produttivi tal-pajjiż, primarjament l-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet soċjoekonomiċi u tan-negozju. Il-KESE joffri l-għarfien u l-parir tiegħu sabiex jintlaħaq dan l-għan.

1.2   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kapijiet ta’ Stat li ser jiltaqgħu għall-ewwel summit bejn l-UE u l-Marokk taħt il-Presidenza Spanjola matul l-ewwel sitt xhur tal-2010, għandhom jagħtu mandat lill-KESE u l-KES futur tal-Marokk biex jistabbilixxu kooperazzjoni strutturata li tiżgura l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili organizzata.

1.3   Il-KESE jirrikonoxxi l-impenn tal-gvern tal-Marokk biex jintegra l-acquis Komunitarju fil-leġiżlazzjoni tiegħu minkejja l-fatt li mhuwiex Stat Membru tal-UE. Dan għandu jgħin sabiex il-Marokk jipparteċipa iktar fis-suq uniku Ewropew fil-futur. L-integrazzjoni tal-acquis għandha ssaħħaħ l-effettività tal-korpi konsultattivi u tan-negozjar li huma bbażati fuq il-prinċipji tar-rappreżentanza u l-indipendenza. Huma għandhom jingħataw biżżejjed mezzi sabiex ikunu jistgħu iwettqu xogħolhom flimkien ma’ rikonoxximent tad-dritt tagħhom li jkollhom aċċess għall-informazzjoni neċessarja u d-dokumenti amministrattivi.

1.4   B’ħarsa lejn il-ħidma tar-Renju tal-Marokk fil-proċedura biex jikseb l-“Istatus Avvanzat”, li kisbu abbażi ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni matul laqgħa li saret fil-Lussemburgu fit-13 ta’ Ottubru 2008, il-KESE japprezza l-isforz li qed jagħmel dan il-pajjiż biex ikompli jkun wieħed mill-iktar imsieħba importanti tal-UE fir-reġjun. Bħalma huwa l-każ f’pajjiżi oħra, pereżempju għall-membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, il-fatt li l-Marokk ingħata l-istatus avvanzat, jista’ jservi ta’ inċentiv għall-awtoritajiet tal-pajjiż huma u jsaħħu l-impenn tagħhom lejn l-UE u r-rikonoxximent tagħhom tal-acquis tal-Komunità fl-oqsma kollha inklużi dawk soċjali u d-drittijiet tal-bniedem.

1.5   Għalkemm il-bidliet li qed iseħħu l-Marokk għandhom jiġu aċċettati b’mod favorevoli, m’hemmx dubju li għad fadal ħafna riformi xi jsiru sabiex il-Marokk ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala pajjiż żviluppat bil-garanziji neċessarji kollha.

1.6   Il-KESE jqis li l-potenzjal tar-relazzjonijiet mal-Marokk ma ġiex żviluppat biżżejjed fl-aspetti kollha tiegħu. L-ewwel u qabel kollox jeħtieġ li jitqiesu l-benefiċċji li tista’ tikseb is-soċjetà Marokkina minn dan. Għalhekk iqis li r-riformi għandhom jitħeġġu sabiex jinfetħu setturi ġodda għall-kummerċ tas-servizzi u l-investiment. L-istabbiliment tal-intrapriżi fuq iż-żewġ naħat għandu jiġi promoss, sabiex jiġu ffaċilitati r-relazzjonijiet istituzzjonali, jinħoloq ambjent favorevoli għall-intraprenditorija u jiġu promossi l-forums għad-djalogu. Għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni bilaterali fl-inizjattivi esterni ta’ interess komuni, speċjalment mal-bqija tal-pajjiżi taż-żona Mediterranja bil-għan li tittejjeb l-integrazzjoni reġjonali mil-lat ekonomiku, soċjali kif ukoll ambjentali.

1.7   Fl-istess ħin, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-kompiti. F’dan il-kuntest u kif diġà ntqal, il-KESE huwa ferm favur it-twaqqif ta’ kunsill konsultattiv ekonomiku u soċjali fil-Marokk u għalhekk jistieden lill-awtoritajiet Marokkini jwettqu konsultazzjonijiet pubbliċi. Dawn għandhom ikunu bbażati fuq ir-rappreżentattività, l-indipendenza u l-leġittimità. Mill-esperjenza tiegħu l-KESE jaf li l-ħolqien ta’ istituzzjoni b’dawn il-karatteristiċi jeħtieġ sforz ta’ kunsens bejn id-diversi setturi tas-soċjetà ċivili involuti u l-amministrazzjoni Marokkina u kriterji ġusti fid-deċiżjoni ta’ kif ser jiġu rrappreżentati d-diversi organizzazzjonijiet. L-organizzazzjonijiet għandhom jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom b’mod liberu. It-twaqqqif ta’ kunsill ekonomiku u soċjali fil-Marokk m’għandu taħt l-ebda ċirkustanzi jilleġittimizza l-eliminazzjoni ta’ korpi konsultattivi oħra li jeżistu u li jipparteċipaw fil-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili u jgħinuha timmatura. Fil-prinċipju, il-kompetenzi ta’ dan il-kunsill m’għandhomx jeskludu kwalunkwe suġġett li dwaru l-gvern ikun mistenni jesprimi l-opinjoni tiegħu, inklużi kwistjonijiet finanzjarji.

1.8   L-għan aħħari għall-UE għandu jkun li l-Marokk isir referenza strateġika fundamentali fl-aspetti kollha – preżenti u futuri - tar-relazzjonijiet tiegħu maż-żona tal-Euromed.

1.9   B’rabta ma’ dan, il-KESE jirrakkomanda li jitwaqqfu osservatorju tas-suq tax-xogħol, sistema ta’ taħriġ vokazzjonali u sistema ta’ sigurtà soċjali li ma tiddiskriminax kontra n-nisa u li ssaħħaħ l-isforzi favur il-ġlieda kontra x-xogħol tat-tfal. Fl-istess waqt il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni tappoġġja djalogu soċjali mal-partijiet interessati, jiġifieri l-imsieħba soċjali sabiex jissaħħaħ id-djalogu soċjali u jiġi żgurat li dan ikun kostruttiv.

1.10   Il-Kumitat jiddispjaċih li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk twaqqaf mingħajr konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali taż-żewġ naħat fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-impjieg u l-iżvilupp soċjali.

1.11   F’dan il-kuntest, il-KESE qiegħed iħejji din l-opinjoni speċifika dwar il-Marokk, sabiex is-soċjetà ċivili organizzata titqies fir-relazzjonijiet bilaterali, u jipproponi struttura ġdida għad-djalogu bejn is-soċjetà ċivili fuq iż-żewġ naħat.

2.   Stqarrija spjegattiva

2.1   Il-Marokk huwa msieħeb privileġġat tal-Unjoni Ewropea, li jaqsam magħha l-għanijiet tal-politika esterna favur il-promozzjoni tad-demokrazija u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali. Biex jikkontribwixxi biex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-gvern tar-Renju tal-Marokk qiegħed jistinka biex isaħħaħ il-progress tiegħu lejn id-demokratizzazzjoni u l-istat ta’ dritt, u dan jagħmlu l-iktar pajjiż avvanzat tar-reġjun f’dan l-ambitu.

2.2   L-istrateġija tal-UE għall-Marokk tikkonsisti mill-pjan li l-pajjiż jiffaċċja l-ikbar żewġ kwistjonijiet ta’ tħassib tiegħu, li jiddominaw l-aġenda politika, ekonomika u soċjali tal-Marokk. L-ewwel nett, irid ikompli bit-tkabbir ekonomiku tiegħu u jindirizza l-qgħad, il-faqar u l-emigrazzjoni. Madankollu, fl-ambitu tal-politika esterna, irid jimplimenta bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni.

2.3   Il-Grupp ta’ Ħidma ad hoc UE-Marokk irrakkomanda li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-atturi l-ġodda tal-assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk, b’mod partikolari bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Marokk (1) u bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tal-Marokk li għandu jitwaqqaf.

3.   Is-sitwazzjoni politika

3.1   Il-Marokk huwa monarkija kostituzzjonali, fejn il-monarkija għad għandha poter kbir ħafna fil-gvern tal-pajjiż. Il-kostituzzjoni attwali li twaqqfet fl-1970 u ġiet riveduta fl-1991 u fl-1996, hija bbażata fuq sistema parlamentari bikamerali, tipprojbixxi sistema ta’ partit uniku u tiggarantixxi l-libertà ta’ assoċjazzjoni.

3.2   F’dawn l-aħħar snin, ir-Renju tal-Marokk nieda proċess ta’ modernizzazzjoni u demokratizzazzjoni tas-sistema politika tiegħu. Bl-istabbiliment ta’ kodiċi ċivili ġdid għall-familja, il-liġi dwar il-partiti politiċi, it-tisħiħ tad-demokrazija lokali, ir-riforma tal-ġustizzja u tas-sistema tal-ħabs u abozz ta’ liġi elettorali ġdida. Madanakollu, l-KESE jemmen li għad hemm sfidi soċjali konsiderevoli u li dawn jitolbu azzjoni ta’ distribuzzjoni soċjali kontinwa u koerenti fuq perijodu twil sabiex ikun jista’ jkun hemm aġġustament ġdid fl-indikaturi tal-iżvilupp tal-bniedem.

4.   Is-sitwazzjoni ekonomika

4.1   Il-qafas makroekonomiku tal-Marokk ġie kkonsolidat minkejja l-kuntest diffiċli. Madankollu, f’dawn l-aħħar snin is-settur turistiku qiegħed jiżviluppa bis-saħħa ta’ investimenti kbar, fuq kollox fir-reġjun tat-Tramuntana tal-pajjiż. Tnediet riforma agrikola kbira bil-għan li tittejjeb il-produttività u li jissaħħaħ ir-rwol li għandu dan is-settur fil-ġlieda kontra l-faqar.

4.2   Minkejja l-fatt li l-kompetittività u l-isforzi għall-ġibda ta’ investimenti għandhom ħafna fejn jittejbu, l-investimenti barranin diretti żdiedu b’mod konsiderevoli, sa ma laħqu livell ta’ stokk ta’ USD 29 250 miljun fl-2006 (2), b’mod speċjali minħabba operazzjonijiet ta’ privatizzazzjoni. Mill-2006 ’l quddiem, il-flussi ta’ investiment barrani qed jiġu sseparati mill-proċess ta’ privatizzazzjoni u qed issir ħidma importanti f’setturi bħat-turiżmu, il-proprjetà, it-telekomunikazzjonijiet, l-assigurazzjonijiet, il-banek, l-industrija u t-trasport.

4.3   L-ekonomija tal-Marokk hija relattivament diversifikata, b’kontribut importanti u li dejjem qiegħed jikber tas-settur tas-servizzi għall-PDG (3). Is-settur tal-manifattura jinsab fit-tieni post f’termini ta’ kontribut għall-PDG, segwit mis-settur agrikolu (4), fejn it-tendenza hija waħda ta’ kontribut iktar baxx. Il-kontribut tas-settur tal-minjieri u tal-enġerija għall-PDG għadu limitat.

4.4   It-turiżmu jirrappreżenta s-sors prinċipali ta’ dħul għall-Marokk, segwit mill-kontribut finanzjarju tal-Marokkini li jgħixu barra mill-pajjiż u tal-esportazzjonijiet tal-fosfati. Id-dħul mill-esportazzjoni tas-servizzi (5) jirrappreżenta iktar minn 80 % ta’ dak iġġenerat mill-merkanzija. Għadd dejjem ikbar ta’ Ewropej qegħdin jagħżlu l-Marokk għall-vaganzi, u saħansitra bħala residenza.

4.5   Ir-riformi makroekonomiċi u strutturali mwettqa matul dawn l-aħħar snin ikkontribwixxew għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija tal-pajjiż u għall-produttività globali tiegħu. It-tisħiħ fuq perijodu medju u fit-tul ta’ dawn ir-riformi ser jinkiseb permezz ta’ governanza mtejba bl-implimentazzjoni ta’ regoli tal-kompetizzjoni trasparenti u politika effettiva tal-protezzjoni tal-konsumaturi u l-utenti. Il-rata medja annwali ta’ tkabbir tal-PDG reali tal-Marokk għall-perijodu 2002–2007 kienet ta’ 4,5 % (6), appoġġjata minn domanda interna dinamika u żieda sinifikanti fir-rata ta’ investiment. Matul l-2008 l-ekonomija Marokkina kibret b’5,8 %, minkejja l-fatt li kien hemm xi tnaqqis fir-rata ta’ tkabbir minħabba domanda esterna iktar baxxa b’riżultat tal-kriżi finanzjarja u ekonomika internazzjonali, kif ukoll taż-żieda fil-prezzijiet, speċjalment fil-prezz taż-żejt.

4.6   Is-settur tal-agrikoltura jaqdi rwol ferm importanti fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Marokk, lil hinn mill-importanza reali tiegħu fil-PDG (7). Is-settur iħaddem 44 % (8) tal-popolazzjoni attiva, persentaġġ li jiżdied sa 80 % jekk wieħed jikkunsidra l-popolazzjoni attiva rurali, minħabba n-nuqqas ta’ diversifikazzjoni ekonomika fil-kampanja.

L-agrikoltura għadha settur dipendenti ħafna mill-klima, minħabba n-nuqqas ta’ żvilupp tal-infrastruttura tal-ilma; dan is-settur ftit li xejn ġie mmodernizzat u għad għandu struttura arkajka magħmula fil-biċċa l-kbira tagħha minn irziezet żgħar (75 % tas-settur), b’tagħmir skars, tekniki ta’ produzzjoni antikwati u forza tax-xogħol bi ftit kwalifiki. Minkejja dan, parzjalment bis-saħħa ta’ sforz min-naħa tal-gvern u tal-investiment barrani, f’dawn l-aħħar snin seħħet bidla u attwalment il-25 % li jifdal huma rziezet agrikoli kbar b’sistema ta’ irrigazzjoni, moderni u esportaturi, li jipproduċu 80 % tal-frott taċ-ċitru, 35 % tal-ħaxix u 15 % taċ-ċereali. Bażikament 400-500 mill-produtturi l-kbar huma produtturi-esportaturi kbar, il-gvern Marokkin u xi kooperattivi.

It-taħriġ, l-appoġġ teknoloġiku u r-riċerka huma aspetti fundamentali li għandhom jagħmlu parti mill-politiki agrikoli futuri tal-Marokk. Sabiex tittejjeb il-kompetittività tas-settur agrikolu Marokkin jeħtieġ li titfassal strateġija tal-kummerċ iktar dinamika. Fl-istess waqt hemm bżonn li jitfasslu politiki strutturali u jinħolqu inċentivi li jagħtu importanza lix-xogħol li jsir min-nisa u li jippromovu l-assoċjazzjonijiet bħala strument għall-iżvilupp tal-ispirtu intraprenditorjali li huwa importanti wkoll fil-qasam agrikolu.

4.7   Il-kooperattivi u l-forom ta’ assoċjazzjoni oħra tal-produtturi jistgħu jagħmlu parti minn din l-istrateġija ġdida u jsiru strumenti li permezz tagħhom il-produtturi jkunu jistgħu jiffokaw fuq il-prodott tagħhom u jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq. Il-COPAG (kooperattiva tal-produtturi Marokkini tal-ħalib) hija eżempju ta’ kif ġabra tal-produtturi f’kooperattiva tista’ toħloq valur miżjud u tippromovi l-intraprenditorija fis-settur tal-produzzjoni, il-ħolqa l-iktar dgħajfa tal-katina.

4.8   Barra minn hekk, il-“Pjan Aħdar” li l-Marokk ippreżenta f’April 2008, li jfittex li jiżviluppa l-agrikoltura tal-pajjiż bl-appoġġ tal-investiment barrani privat, jikkonsisti fi strateġija agrikola ġdida u interssanti għall-Magreb, jirrappreżenta mentalità ġdida. Il-Pjan jimmira li fi żmien għaxar jew ħmistax-il sena, l-agrikoltura ssir il-mutur prinċipali tal-ekonomija nazzjonali permezz ta’ ammont kbir ta’ investimenti pubbliċi, bil-għan li jintlaħqu żewġ objettivi fundamentali: li tinħoloq agrikoltura moderna b’valur miżjud imsaħħaħ u li jiżdied il-qligħ tal-produtturi agrikoli ż-żgħar. Il-pjan jipprovdi għall-privatizzazzjoni ta’ 700 000 ettaru li attwalment jintużaw għaċ-ċereali bil-għan li l-art tibda tintuża għat-tkabbir intensiv tal-ħaxix u l-frott li jservi ta’ inċentiv għall-irrigazzjoni. Matul l-għaxar snin li ġejjin il-Marokk ser jinvesti, permezz tal-Aġenzija għall-Iżvilupp Agrikolu, madwar 150 miljun dirham għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-“Aħdar”. Għalhekk ser jiġu proposti bejn 700 u 900 proġett li jiswew madwar MAD 10 u 15-il miljun fis-sena.

4.9   Il-Marokk huwa pajjiż bi dħul medju, fejn il-PDG għal kull persuna kien ta’ USD 2 580 (9) fl-2008, id-doppju tal-PDG fl-2002.

4.10   F’Novembru 2009, il-popolazzjoni Marokkina qabżet il-31 650 000 persuna, b’rata medja annwali ta’ tkabbir demografiku ta’ 1,2 % (9). Il-popolazzjoni urbana qed tkompli tikber u tirrappreżenta 56,4 % tal-popolazzjoni totali. Fl-2008, il-popolazzjoni attiva laħqet il-11,5 miljun persuna (10), 0,7 % iktar miċ-ċifra tas-sena l-oħra, filwaqt li r-rata ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol naqset għal 36,8 % meta mqabbla mat-36,9 % fl-2007.

4.11   Il-qgħad għadu waħda mill-ikbar problemi tal-pajjiż. Fiż-żoni urbani, ir-rata ta’ qgħad laħqet l-14,1 %, filwaqt li r-rata għaż-żoni rurali hija ta’ 4,7 %. Ir-rata ta’ qgħad globali għall-2008 kienet ta’ 9,4 % (11), l-ekwivalenti għal total ta’ 1 077 800 ħaddiem minn 15-il sena ’l fuq. Is-salarju medju fis-settur rurali tal-Marokk huwa madwar EUR 0,55-0,65 fis-siegħa għal 9 sigħat xogħol (12). Il-ħaddiema staġjonali m’għandhomx drittijiet tax-xogħol u t-tħaddim tat-tfal fis-serer Marokkini hija komuni.

4.12   S’issa l-kriżi finanzjarja internazzjonali ma laqtitx wisq lill-ekonomika tal-Marokk, l-iktar minħabba l-fatt li s-settur finanzjarju tal-pajjiż ma kienx integrat ħafna fis-settur finanzjarju internazzjonali. Madankollu, mingħajr dubju l-kriżi ekonomika internazzjonali bdiet tħalli impatt fuq ċerti setturi ekonomiċi ewlenin tal-pajjiż bħall-proprjetà, it-turiżmu, it-tessuti, il-vetturi u l-esportazzjonijiet. L-investiment barrani u l-bgħit ta’ flus minn barra ntlaqtu wkoll u qed jidħlu fil-Marokk fi kwantitajiet ferm iktar baxxi. Dan jista’ jfisser li l-kriżi ser jibqa’ jkollha impatt fuq il-pajjiżi għal xi żmien.

4.13   Il-Marokk ġie kklassifikat bħala t-tielet destinazzjoni ta’ investiment barrani dirett fl-Afrika għas-snin 2009–2010, wara l-Afrika tan-Nofsinhar u l-Eġittu (13). Studju li sar enfasizza l-fatt li l-Marokk kiseb riżultati tajbin f’ħafna kategoriji bħall-infrastruttura, l-istrateġija f’termini ta’ investiment barrani dirett u potenzjal ekonomiku. Madankollu, anke jekk it-tendenza tal-flussi ta’ investiment hija pożittiva, il-klima tan-negozju għadha soġġetta għal evalwazzjoni kritika. Minkejja dan, is-sena l-oħra ġie approvat Kodiċi dwar il-governanza intraprenditorjali u Kodiċi speċifiku dwar l-SMEs, u ġew adottati l-atti ta’ applikazzjoni tad-diversi emendi tal-liġi dwar il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata. F’Ottubru 2008 ġie approvat abbozz ta’ liġi mressaq mill-Aġenzija Marokkina għall-Iżvilupp tal-Investimenti (AMDI).

4.14   L-awtoritajiet tal-Marokk impenjaw ruħhom favur it-tnedija tal-Karta Ewro-Mediterranja tal-Intrapriża, li titlob il-konsultazzjoni, il-kunsens u l-kwalità. Jeżistu diversi istituzzjonijiet li jippromovu l-investimenti tal-kumpaniji privati, speċjalment dawk tal-SMEs, u l-aċċess għall-kreditu huwa promoss mill-Fond Ċentrali tal-Garanzija (FĊG).

4.15   Il-prospetti (14) għall-ekonomija Marokkina għadhom, minkejja kollox, tajbin. Bħalissa f’ċertu sens il-Marokk jinsab protett mit-turbulenzi finanzjarji dinjija bis-saħħa tad-dejn estern relattivament baxx tiegħu fuq perijodu twil, u tat-titjib tal-politiki makroekonomiċi tiegħu. It-tkabbir ekonomiku għandu jkompli jkun relattivament b’saħħtu fuq perijodu medju, b’bilanċ estern pożittiv fil-kont kurrenti, anke jekk jista’ jkun li jkun hemm defiċit żgħir fuq il-perijodu medju. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Marokkin (15) qiegħed jipprevedi tkabbir tal-PDG reali ta’ 5,8 % għall-2009, bi tkabbir tas-settur agrikolu (16) ta’ 15 % u tkabbir tas-settur mhux agrikolu ta’ 4,1 %. L-awtoritajiet ekonomiċi tal-pajjiż huma ddeterminati li jkomplu bl-isforzi ta’ konsolidazzjoni baġitarja tal-aħħar snin u li jilħqu l-għan li jżommu d-defiċit baġitarju primarju taħt it-3 % tal-PDG fuq perijodu medju.

5.   Is-sitwazzjoni soċjali

5.1   Ir-rata ta’ qgħad kienet ta’ 9,4 % fl-2008 (11), minkejja li nħolqu 310 000 impjieg is-sena li għaddiet, b’mod partikolari fis-setturi tal-bini u tas-servizzi. Fl-ewwel tliet xhur tal-2009 kien hemm ħolqien nett ta’ 40 000 impjieg, frott is-76 000 impjieg ġdid fiż-żoni urbana, minkejja telf ta’ 36 000 impjieg fiż-żoni rurali. Settur b’settur, il-ħolqien ta’ impjiegi kien limitat għas-servizzi u x-xogħlijiet pubbliċi, li żdiedu b’5,9 % rispettivament, filwaqt li fis-setturi l-oħra t-telf varja mill-4,5 % fis-settur industrijali sal-1,4 % tas-settur agrikolu u tas-sajd.

5.2   F’dan l-ambitu, l-iktar problema gravi hija dik tal-qgħad taż-żgħażagħ (17), inklużi ż-żgħażagħ universitarji, fatt li jwassal għal brain drain. Kwistjoni importanti oħra hija l-fatt li s-suq tax-xogħol huwa ddominat mis-settur agrikolu, li jirrappreżenta wkoll proporzjon konsiderevoli ta’ xogħol informali. Fl-istess ħin hemm ekonomija moħbija bbażata fuq l-impjieg irregolari. Barra minn hekk, il-Marokk qiegħed iħabbat wiċċu ma’ diffikultà kbira biex jassorbi l-forza tax-xogħol fis-suq tax-xogħol tiegħu, b’konsegwenza tal-espansjoni demografika li seħħet fil-pajjiż.

5.3   Dawn iċ-ċifri ta’ qgħad għandhom impatt dirett fuq il-familji minħabba n-nuqqasijiet li għad hemm fis-sistemi tal-ħarsien soċjali (l-allokazzjonijiet tal-qgħad, is-sigurtà soċjali għas-saħħa, il-pensjonijiet, eċċ.)

5.4   Il-flussi migratorji qed jonqsu b’riżultat tal-kriżi ekonomika u l-UE hija d-destinazzjoni prinċipali għall-ħaddiema immigranti Marokkini. Importanti li ssir distinzjoni wkoll bejn l-emigrazzjoni legali u illegali. Dawk li jirnexxilhom jidħlu f’pajjiż b’mod illegali jsibu ruħhom f’kundizzjonijiet ta’ riċeviment ferm iktar diffiċli. Qegħdin jiżdiedu wkoll b’mod kontinwu l-iskambji professjonali bejn iż-żewġ żoni ġeografiċi.

5.5   Ir-rata ta’ impjieg tan-nisa għadha baxxa. Filwaqt li r-rati ta’ impjieg tal-irġiel huma ta’ madwar 80 %, ir-rata ta’ impjieg tan-nisa hija ta’ 21 % fiż-żoni urbani u ta’ 33 % fiż-żoni rurali (18). Bl-eċċezzjoni tal-istennija tal-għomor, l-indikaturi tal-iżvilupp soċjali tan-nisa huma iktar baxxi minn dawk tal-irġiel fl-oqsma l-oħra kollha bħat-tip ta’ attività, l-istatus professjonali, il-livell ta’ responsabbiltà, is-salarju fis-settur privat, ir-rata tal-qgħad u l-livell ta’ ħarsien soċjali.

5.6   Is-suġġett tal-impjieg u l-affarijiet soċjali għandu jiġi indirizzat iktar fil-fond bil-għan li jinħoloq qafas istituzzjonali li jippermetti li jiġu żviluppati miżuri attivi u servizzi pubbliċi ta’ impjieg, li jiġi kkontrollat is-suq tax-xogħol sabiex tiġi indirizzata l-ekonomija illegali, ix-xogħol informali u x-xogħol mhux iddikjarat, li jittejjeb l-investiment fil-kapital uman u l-kapaċità għall-impjieg, li tiżdied il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali u li jintużaw mekkaniżmi tal-impjieg li jaħdmu kontra d-diskriminazzjoni fir-reklutaġġ.

5.7   Is-sigurtà soċjali tal-maġġoranza tal-ħaddiema Marokkini mhix adegwata. Din is-sitwazzjoni hija problema serja għal ħafna familji. Il-gvern Marokkin huwa konxju mill-fatt u għandu r-rieda politika li jfittex soluzzjoni. L-awtoritajiet Marokkini ser iżidu l-monitoraġġ sabiex tiġi regolarizzata s-sitwazzjoni tal-ħaddiema kollha fis-sistema ta’ sigurtà soċjali. Għalhekk id-dipartiment tal-monitoraġġ tal-impjieg u l-uffiċċju nazzjonali tas-sigurtà soċjali qed iżidu l-isforzi tagħhom sabiex itejbu l-kopertura tal-ħaddiema. Madanakollu, il-gvern Marokkin ser ikollu jżid l-investiment fis-saħħa u l-kopertura medika sabiex jiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini tal-Marokk għas-sistema tal-kura tas-saħħa.

5.8   Qed jitfassal pjan tripartitiku ta’ konformità soċjali li ser jiddetermina kemm in-negozji Markokkini jissodisfaw u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tax-xogħol. Barra minn hekk fil-qafas tal-leġiżlazzjoni soċjali ġdida tal-Marokk qed isir progress lejn iċ-ċertifikazzjoni tan-negozji li jikkonformaw mar-regoli tax-xogħol.

5.9   Xi żmien ilu tpoġġew il-pedamenti ta’ forum ċentralizzat tas-soċjetà ċivili, għalkemm din tal-aħħar ma kinitx rappreżentata b’mod formali. Il-gvern tal-Marokk impenja ruħu li jniedi l-kunsill ekonomiku u soċjali (KES) qabel tmiem l-2009, iżda s’issa dan għadu ma twaqqafx uffiċjalment minkejja li ddaħħal fil-kostituzzjoni Marokkina fl-1997. Il-KESE jittama li d-diversità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tkun riflessa fl-għamla tal-KES tal-Marokk, billi r-rappreżentattività tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali, garantita minn kriterji ċari u ġusti, hija kundizzjoni essenzjali għall-effikaċja tagħhom, kif ukoll għall-indipendenza tat-tħaddim tagħhom u l-allokazzjoni tar-riżorsi neċessarji għal dan. L-eżistenza ta’ kunsill ekonomiku u soċjali ma tinsabx f’kunflitt mar-rwol ta’ korpi konsultattivi oħra tal-Marokk. Bil-kuntrarju hija tikkumplementahom.

5.10   L-iktar organizzazzjoni rappreżentattiva tad-dinja intraprenditorjali hija l-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Intrapriżi tal-Marokk (CGEM). Il-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija wkoll taqdi rwol importanti fl-appoġġ tagħha għall-intrapriżi, l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-servizzi intraprenditorjali u l-internazzjonalizzazzjoni. L-Assoċjazzjoni tan-Nisa Intraprendituri tal-Marokk, li tiġbor fiha iktar minn 350 membru fil-livell nazzjonali, qiegħda tippromovi r-rwol tal-mara fl-intraprenditorija, u għandha wkoll fergħat reġjonali. L-assoċjazzjoni Maroc Entrepreneurs għandha l-għan li tippromovi t-taħriġ u l-istart-ups fost iż-żgħażagħ.

5.11   It-trade unions ewlenin huma l-Unjoni tal-Ħaddiema Marokkini (UMT), il-Konfederazzjoni Demokratika tax-Xogħol (CDT), l-Unjoni Ġenerali tal-Ħaddiema tal-Marokk (UGTM), il-Federazzjoni Demokratika tax-Xogħol (FDT) u l-Unjoni Nazzjonali tal-Ħaddiema Marokkini (UNTM). Ta’ min isemmi wkoll l-Unjoni Nazzjonali tal-Kooperattivi Agrikoli tal-Marokk (UNCAM).

5.12   Minkejja l-fatt li l-gvern tal-Marokk wettaq riformi fil-qasam tal-liġi tax-xogħol, huwa neċessarju li wieħed ikompli jaħdem fuq it-titjib tal-implimentazzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u li jiġu rratifikati l-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO, b’mod partikolari l-Konvenzjoni 87 dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni.

5.13   It-titjib tas-sistema edukattiva u tal-alfabetizzazzjoni għadhom waħda mill-iktar sfidi importanti għall-iżvilupp tal-pajjiż. F’Settembru 2008, il-Ministeru tal-Edukazzjoni tal-Marokk ippreżenta pjan ta’ emerġenza għall-promozzjoni tal-aċċess għall-iskola tal-bniet taż-żoni rurali, kif ukoll għal aċċess ugwali u effettiv tat-tfal għall-edukazzjoni obbligatorja. In-nuqqas ta’ forza tax-xogħol ikkwalifikata huwa wieħed mill-ostakli prinċipali għat-twaqqif ta’ kumpaniji fil-Marokk, billi l-pożizzjoni ta’ tekniku intermedjarju hija fost l-iktar pożizzjonijiet diffiċli li jiġu koperti.

5.14   Qed isiru sforzi biex jinħolqu rabtiet iktar stretti bejn is-sistemi tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka u t-taħriġ professjonali tal-Marokk u ż-Żona Ewropea tal-edukazzjoni għolja, ir-riċerka xjentifika u t-taħriġ professjonali. Dan l-għan għandu jiffaċilita t-titjib tal-kwalifiki tal-istudenti Marokkini u tal-kapaċitajiet professjonali tagħhom għall-aċċess tagħhom għad-dinja tax-xogħol. Hemm bżonn li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-prattiki fin-negozji abbażi tal-ftehimiet bejn l-universitajiet u l-organizzazzjonijiet tan-negozji bħas-CGEM u l-kmamar tal-kummerċ.

5.15   Il-KESE jirrakkomanda sistemi li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki bejn l-UE u l-Marokk b’kunsiderazzjoni tal-istatus avvanzat tal-Marokk. Waħda mill-problemi prinċipali tal-pajjiż hija n-numru kbir ta’ gradwati qiegħda.

5.16   Bil-kooperazzjoni mal-UE, hija ppjanata t-tnedija ta’ Grupp ta’ Ħidma (19) magħmul minn rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet intraprenditorjali u tal-intraprendituri Ewropej u Marokkini, bil-għan li l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jiġi infurmat regolarment bl-ostakoli għall-kummerċ u l-investiment. Ir-rappreżentanti tat-trade unions jistgħu jieħdu sehem f’dan il-Grupp.

5.17   Fil-qasam tat-tisħiħ tad-demokrazija, ir-riformi mwettqa ppermettew li jsir progress, pereżempju bl-adozzjoni ta’ liġi elettorali ġdida li tippromovi l-parteċipazzjoni tan-nisa, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni strateġiku għall-istituzzjonalizzazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. F’dan il-kuntest, għalkemm il-gvern Marokkin stqarr li rtira r-riżervi li kellu dwar il-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa, għadu ma ddepożitax l-istrumentikorrispondenti fin-Nazzjonijiet Uniti (20).

5.18   F’Novembru 2008, il-Ministeru tal-Iżvilupp Soċjali, il-Familja u s-Solidarjetà nieda s-sitt kampanja tiegħu għall-ġlieda kontra l-vjolenza bbażata fuq is-sess, li wasslet għal rappurtar ikbar tal-atti ta’ vjolenza kontra n-nisa permezz tan-numru tat-telefon provdut għal dan il-għan. Madankollu, hemm bżonn ta’ iktar ċentri ta’ riċeviment tal-vittmi. Bl-istess mod, għadu ma ġiex approvat l-abbozz ta’ liġi li ser jippenalizza l-vjolenza bbażata fuq is-sess, bir-riżultat li l-problemi fl-applikazzjoni tal-Kodiċi Ċivili tal-Familja ma ġewx indirizzati (21).

5.19   Ir-rata tal-faqar naqset għal 9 % (6), u dan ifisser li hemm popolazzjoni fqira ta’ iktar minn żewġ miljun persuna. Din hija sitwazzjoni soċjali inkwetanti, u għalhekk il-ġlieda kontra l-faqar hija waħda mill-iktar sfidi importanti li qed jiffaċċja l-pajjiż. Iż-żieda msemmija fil-PDG għal kull persuna għadha insuffiċjenti fil-ġlieda kontra l-faqar. Billi hemm żbilanċ fit-tqassim, dan ma wassalx għat-titjib mixtieq fil-livell ta’ għajxien tal-popolazzjoni. L-istrument ewlieni għat-tnaqqis tal-faqar għandu jkun żieda fit-tkabbir ekonomiku u t-titjib tal-produttività flimkien ma’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem li huma inseparabbli mid-drittijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali u li mingħajrhom ma tistax tiġi żgurata d-distribuzzjoni mtejba tal-ġid. Hemm bżonn ta’ koordinazzjoni aħjar bejn id-diversi programmi ta’ tnaqqis tal-faqar mnedija fil-Marokk min-naħa tal-istituzzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Bank Dinji.

5.20   L-immigrazzjoni illegali lejn l-UE hija sors kbir ieħor ta’ tħassib. Minbarra ż-żewġ miljun Marokkin li huma residenti legali tal-pajjiżi tal-UE, huwa stmat li hemm madwar miljun persuna oħra li qiegħda tgħix hemm b’mod illegali. Fl-istess ħin, il-Marokk huwa wieħed mill-pajjiżi ta’ tranżitu tal-immigrazzjoni illegali mill-pajjiżi Subsaħarjani lejn l-Unjoni Ewropea. Attwalment qed jiġi negozjat ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u l-Marokk.

6.   Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk

6.1   L-ewwel ftehimiet iffirmati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk imorru lura għall- 1969 u l-1976. Wara dan, fil-qafas tal-Proċess ta’ Barċellona mill-1995 ’l quddiem ġie ffirmat Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Marokk, li daħal fis-seħħ fl-2000. Reċentement, f’Lulju 2005, ġie adottat Pjan ta’ Azzjoni UE-Marokk, fl-ambitu tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), għal perijodu ta’ ħames snin (22). Ir-relazzjoni attwali mal-Marokk qiegħda tiġi żviluppata fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran.

6.2   Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi l-qafas legali tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Marokk, bil-ħolqien ta’ żona ta’ kummerċ ħieles, minbarra l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni privileġġata f’ambiti oħra bħall-politika, l-ekonomija u l-affarijiet soċjali, xjentifiċi u kulturali.

6.3   Id-Dokument Strateġiku tal-Pajjiż (CSP) jistabbilixxi l-qafas strateġiku ta’ għajnuna tal-UE lill-Marokk għall-perijodu 2007–2013, li fih jinġabru s-setturi prijoritarji ta’ kooperazzjoni, li jiffukaw fuq:

l-iżvilupp tal-politiki soċjali;

il-modernizzazzjoni ekonomika;

l-għajnuna istituzzjonali;

il-governanza tajba u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

il-ħarsien tal-ambjent.

6.4   Fil-qafas tal-kooperazzjoni strateġika bejn l-Afrika u l-UE, il-Marokk qiegħed jaqdi rwol attiv fid-djalogu politiku bejn l-UE u l-Afrika, billi huwa inkarigat mit-tnedija tal-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima.

6.5   F’Ottubru 2008, ġie ffirmat dokument konġunt bejn l-UE u l-Marokk fil-qafas tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali bil-għan li jinkiseb l-istatus avvanzat, li tfassal bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet politiċi, l-integrazzjoni tas-suq intern, il-kooperazzjoni settorjali u d-dimensjoni umana.

6.6   L-UE għadha l-iktar msieħba kummerċjali importanti tal-Marokk, billi iktar minn nofs l-akkwisti esterni (23) tal-Marokk jiġu mill-pajjiżi Ewropej u billi kważi t-tliet kwarti tal-bejgħ (24) tiegħu huma destinati għall-UE. Pajjiż b’pajjiż, Franza hija l-ewwel provveditur, imbagħad Spanja, ir-Renju Unit, l-Italja u l-Ġermanja. Is-sitwazzjoni hija prattikament l-istess waħda għall-importaturi tal-prodotti mill-Marokk.

6.7   Fir-rigward tal-prodotti tal-kummerċ bejn l-UE u l-Marokk, ta’ min isemmi d-diversifikazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet Marokkini. Tul dawn l-aħħar għaxar snin, l-għadd ta’ prodotti Ewropej differenti li xtara l-Marokk żdied konsiderevolment. Il-prodotti prinċipali li l-Marokk jimporta mill-UE huma t-tessuti, il-gass tal-pitrolju u karburanti oħra, magni u apparat ieħor u prodotti kimiċi.

6.8   L-esportazzjonijiet tal-Marokk lejn l-UE huma iktar ikkonċentrati, billi iktar minn nofshom huma ħwejjeġ u prodotti maħduma bil-labra tal-malja (iktar minn terz tat-total), komponenti elettroniċi, frott tal-baħar u wires u cables tal-elettriku.

6.9   Fin-negozjati attwali, qed titqies is-sitwazzjoni ta’ ċerti setturi sensittivi billi jikkunsidraw in-nuqqas ta’ simetrija bejn l-impenji u l-applikazzjoni gradwali tagħhom. Hija fuq kollox kwistjoni tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tas-servizzi u tad-dritt ta’ stabbiliment, kif ukoll tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ tal-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati u l-prodotti tas-sajd.

6.10   Il-kuntest tal-kriżi ekonomika attwali affettwa b’mod serju lis-settur agrikolu Ewropew, u d-dħul tal-bdiewa tbaxxa ħafna (bi 12,2 % fl-2009, skont l-EUROSTAT). F’dan il-kuntest, il-konċessjonijiet kummerċjali l-ġodda li ngħataw lill-Marokk fil-qasam ta’ produzzjonijiet sensittivi bħall-frott u l-ħxejjex, prattikament mingħajr l-ebda protezzjoni mill-għajnuniet Komunitarji, qegħdin ikomplu jaggravaw is-sitwazzjoni ekonomika diffiċli ta’ ħafna rziezet Ewropej. L-użu tas-settur tal-ħxejjex u l-frott fin-negozjar tar-relazzjoni kummerċjali bejn l-UE u l-Marokk, għall-benefiċċju ta’ attivitajiet ekonomiċi oħra, għandu konsegwenzi negattivi u jhedded il-ġejjieni tal-produtturi u l-iżvilupp ta’ ħafna reġjuni Ewropej. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit kumpens reali, permezz ta’ appoġġ supplimentari li jippermetti li tittejjeb il-kompetittività f’dawn iż-żoni.

Il-KESE jinsab imħasseb li l-Unjoni Ewropea u l-Marokk laħqu ftehim reċentement dwar ir-reviżjoni tar-relazzjonijiet agrikoli kummerċjali tagħhom fi Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, filwaqt li l-Ftehim attwali mhuwiex qiegħed jiġi rrispettat mill-perspettiva tan-nuqqas ta’ ħlas tal-ammonti doganali stabbiliti u n-nuqqas ta’ rispett tal-kwoti, u dan mingħajr ma tfasslu mekkaniżmi ġodda u mingħajr ma sar titjib sostanzjali tal-mekkaniżmi attwali sabiex jiġi ggarantit li jiġu sodisfatti l-klawżoli aċċettati miż-żewġ naħat.

6.11   Fir-rigward tal-investimenti diretti mill-UE (25), ta’ min jinnota li Franza (26) hija l- investitur prinċipali fil-Marokk, segwita minn Spanja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja (27). Is-setturi prinċipali ta’ investiment huma t-turiżmu, il-proprjetà, it-telekomunikazzjonijiet, l-assigurazzjoni, il-banek, l-industrija u t-trasport.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Tista’ tinkiseb iktar kooperazzjoni parlamentari fost affarijiet oħra billi titwaqqaf kummissjoni parlamentari konġunta bejn il-parlamenti tal-Ewropa u l-Marokk bil-parteċipazzjoni taż-żewġ kmamar tagħhom u mhux tal-Kamra tar-Rappreżentanti biss.

(2)  Sors: UNCTAD – Database FDI/INC.

(3)  Bejn wieħed u ieħor ta’ żewġ terzi.

(4)  Inklużi t-trobbija tal-annimali, il-foresterija u s-sajd.

(5)  Dan irdoppja bejn l-2002 u l-2006.

(6)  Sors: Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

(7)  Fl-2008 kien jirrappreżenta 13 % tal-PDG. Sors: FAO

(8)  13 734 506 persuna (għall-agrikoltura, il-foresti u s-sajd). Sors: FAO

(9)  Sors: il-Bank Dinji – World Development Indicators.

(10)  Sors: ILO – LABORSTA (bażi ta’ data ta’ statistika tax-xogħol) ibbażata fuq studju dwar il-forza tax-xogħol.

(11)  Sors: ILO – LABORSTA (bażi ta’ data ta’ statistika tax-xogħol).

(12)  Sors: Federazzjoni Nazzjonali tas-Settur Agrikolu tal-Marokk (UMT)

(13)  Skont studju ppubblikat mill-FDI Intelligence, sussidjarju tal-grupp tal-istampar Ingliż “The Financial Times”.

(14)  Skont id-data tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

(15)  Previżjonijiet tal-Ministeru tal-Ekonomija u t-Teżor tal-Marokk.

(16)  Inklużi s-sajd u l-foresterija.

(17)  Skont id-data tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa seba’ punti ’l fuq mill-medja tal-qgħad tal-popolazzjoni attiva. 39 % tal-persuni mingħajr xogħol huma żgħażagħ.

(18)  Sors: Ir-rapport ta’ segwitu tal-Marokk – Dokument SEC(2009) 520/2, 23 ta’April 2009.

(19)  Skont id-“Dokument konġunt UE-Marokk dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali/Statut Avvanzat” – DG E V Doc. 13653/08 p.6.

(20)  Sors: Ir-rapport ta’ segwitu tal-Marokk – Dokument SEC(2009) 520/2, 23 ta’April 2009.

(21)  Fil-fażi ta’ tħejjija mill-2006.

(22)  S’issa tfasslu tliet rapporti ta’ segwitu f’Diċembru 2006, f’April 2008 u f’April 2009.

(23)  51,4 % tal-importazzjonijiet tal-Marokk jiġu mill-UE.

(24)  71,9 % tal-esportazzjonijiet tal-Marokk imorru lejn l-UE.

(25)  Sors: Office des Changes – Flux financiers – Gvern tal-Marokk.

(26)  Bejn l-2002 u l-2008, l-investiment ta’ Franza fil-Marokk qabeż il-53 000 miljun dirham.

(27)  Fl-istess perijodu l-investimenti ta’ Spanja qabżu l-35 000 miljun dirham, u dawk tar-Renju Unit u tal-Ġermanja qabżu s-6 000 dirham kull wieħed.


III Atti preparatorji

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

L-460 sessjoni plenarja fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010

18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/62


L-460 SESSJONI PLENARJA FIS-17 U T-18 TA’ FRAR 2010

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali”

COM(2009) 267 finali – 2009/0076 (COD)

(2010/C 347/09)

Relatur: is-Sur BIOT

Nhar is-17 ta’ Lulju 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali

COM(2009) 267 finali – 2009/0076 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Frar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar is-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’180 vot favur, u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE huwa favur is-sostituzzjoni tad-direttiva attwali b’regolament li jippermetti l-armonizzazzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali, billi jkun japplika direttament fil-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri.

1.2   Il-KESE jinnota l-isforz min-naħa tal-Kummissjoni sabiex il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-bijoċidi tikkonforma mar-Regolament dwar il-prodotti kimiċi (REACH) u jemmen li huwa essenzjali li fir-Regolament il-ġdid tiġi inkluża l-armonizzazzjoni tad-data li għandha tingħata b’konformità mad-Direttiva 88/379/KEE u l-Artikolu 14(2) tar-Regolament REACH.

1.3   Il-KESE jilqa’ l-bidliet fir-rigward tal-formulazzjonijiet qafas li permezz tagħhom għandhom ikunu jistgħu jiġu żviluppatti u jitqiegħdu fis-suq b’mod aktar faċli l-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni fi ħdan grupp ta’ prodotti bijoċidali. Madankollu, hemm bżonn jiġi ċċarat sa fejn għandha tasal il-flessibbiltà tal-kompożizzjoni, kemm rigward is-sustanzi bijoċidali kif ukoll rigward is-sustanzi inerti li jagħmlu parti minnha.

1.4   Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni tagħti biss rwol ta’ koordinazzjoni lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA). Din tista’ taqdi rwol aktar deċiżiv sabiex tikkontribwixxi għal proċedura effikaċi fil-proċess tal-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Madankollu, il-KESE huwa preokkupat dwar jekk l-Aġenzija hux ser ikollha biżżejjed riżorsi fil-ħin biex twettaq il-missjoni tagħha, fid-dawl tal-fatt li l-kompetenzi tagħha ġew estiżi għall-prodotti bijoċidali.

1.5   Il-KESE jipproponi li jinżamm il-prinċipju tal-valutazzjoni tar-riskji fuq il-bażi ta’ każ b’każ fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-ammissjoni ta’ sustanzi attivi fl-Anness I tal-Proposta, li jippreżenta l-“Lista tas-sustanzi attivi b’rekwiżiti għall-inklużjoni fil-prodotti bijoċidali”. Madankollu, il-Kumitat jaħseb li hemm diskriminazzjoni arbitrarja fir-rigward ta’ ċerti prodotti disinfettanti għall-ikel tal-bnedmin u għall-għalf tal-annimali, li ma jistgħux jibbenefikaw mill-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(c).

Il-KESE jinsab kuntent li l-Proposta tipprevedi l-iskambju obbligatorju tad-data, b’mod partikolari tad-data li tirriżulta mir-riċerka fuq l-annimali.

1.6.1   Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni li jintużaw prodotti bijoċidali awtorizzati għall-materjali u l-oġġetti kollha li jiġu ttrattati. Din hija miżura ġusta u obbligatorja fl-Unjoni Ewropea.

Il-KESE japprova l-estensjoni ta’ din il-miżura għall-materjali u l-oġġetti li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi sabiex tiġi garantita l-ugwaljanza fil-kondizzjonijiet tas-suq.

1.7.1   Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-materjali u l-prodotti ttrattati jkollhom tikketta sabiex tiġi garantita informazzjoni adegwata u effikaċi għall-utent. Madankollu, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza aktar fil-fond din il-kwistjoni sabiex l-użu ta’ tikkettar eżawrjenti jiġi limitat biss għall-każi li fihom ikun utli għall-konsumatur. Il-KESE jipproponi żewġ livelli ta’ informazzjoni. L-ewwel wieħed għandu jipprovdi l-informazzjoni essenzjali skont l-użu u l-protezzjoni tal-konsumatur. It-tieni għandu jinkludi l-informazzjoni kollha magħrufa u għandu jkun disponibbli f’każ li l-konsumaturi jirrikorru għand l-atturi professjonali (ċentri kontra l-velenu, tobba, eċċ.). Din l-informazzjoni tista’ tkun disponibbli permezz ta’ bażi tad-data u ta’ siti elettroniċi.

1.8   Il-KESE jappoġġja l-armonizzazzjoni tal-istruttura tal-ħlasijiet kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Aġenzija. Madankollu, il-KESE jopponi li jkun hemm ħlas annwali mingħajr ġustifikazzjoni.

Kif sar fir-Regolament il-ġdid dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, il-KESE jemmen li fil-kuntest tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-proċeduri tal-kummerċ parallel għandhom ikunu limitati għall-prodotti identiċi, ibbażati fuq l-istess sorsi ta’ sustanzi attivi u koingredjenti.

1.9.1   Il-KESE japprezza l-fatt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi l-fenomenu tal-“passiġġier klandestin” (free rider). Il-KESE jixtieq li l-Artikolu 83 ikun aktar dettaljat.

1.10   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tispjega kif ser tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni effikaċi tal-kontrolli tal-prodotti bijoċidali li qegħdin fis-suq.

1.11   Kif sar fid-Direttiva Qafas dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1) u fil-kuntest tal-użu sostenibbli tal-prodotti bijoċidali, il-KESE jipproponi li fil-ġejjieni l-Kummissjoni tipprevedi l-possibbiltà li dawn il-prodotti jintużaw b’mod aktar razzjonali.

2.   Introduzzjoni

2.1   It-terminu “bijoċidi” jirreferi għas-sustanzi attivi jew it-taħlitiet li jkun fihom sustanza attiva waħda jew aktar, ippreżentati fl-għamla li fiha jiġu forniti lill-utent, maħsuba sabiex jeqirdu jew jiskoraġġixxu l-organiżmi ta’ ħsara, sabiex jibdluhom f’organiżmi li ma jagħmlux ħsara, sabiex jipprevjenu l-azzjoni tagħhom jew sabiex jiġġilduhom permezz ta’ azzjoni kimika jew bijoloġika. Is-sustanzi, it-taħlitiet u l-apparati kollha mqiegħda fis-suq bil-ħsieb li jiġġeneraw sustanzi attivi għandhom ukoll jitqiesu bħala prodotti bijoċidali (2).

2.2   Il-prodotti bijoċidali, użati b’mod għaqli, jagħmlu parti mill-ħajja ta’ kuljum f’soċjetà ċivilizzata. Huma jipprevjenu t-tixrid tal-mard u jippromovu livell għoli ta’ iġjene f’ambjent b’densità għolja ta’ popolazzjoni. Kull aspett tal-ħajja ta’ kuljum huwa kkonċernat mill-użu tal-prodotti bijoċidali. Uħud minn dawn il-prodotti jistgħu jkunu intrinsikament perikolużi, avolja jipproteġu s-saħħa u l-iġjene tal-bnedmin u tal-annimali kif ukoll l-ambjent b’mod sostenibbli.

2.3   Id-Direttiva 98/8/KE (3) li hija fis-seħħ bħalissa tistabbilixxi qafas leġiżlattiv armonizzat għall-awtorizzazzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali b’riskju baxx u sustanzi bażiċi.

2.4   F’dan ir-rigward, il-KESE kien ħareġ opinjoni (4) u fiha approva l-Proposta għal Direttiva billi l-għan tagħha kien li tipproteġi s-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali kif ukoll l-ambjent.

2.5   Id-Direttiva 98/8/KE tipprevedi li l-Kummissjoni tħejji rapport seba’ snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u tressqu lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jindirizza l-implimentazzjoni tad-Direttiva u l-funzjonament tal-proċeduri ssemplifikati sa dik id-data (formulazzjoni qafas, prodotti bijoċidali b’riskju baxx u sustanzi bażiċi).

2.6   Saru diversi konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati qabel ma saru valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni ġenerali bl-internet.

2.7   Il-Proposta ġiet appoġġjata wkoll minn bosta studji, b’mod partikolari l-istudju dwar il-valutazzjoni tal-impatt tar-reviżjoni tad-Direttiva 98/8/KE, li sar bil-għan li janalizza l-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-għażliet strateġiċi differenti. Il-konklużjonijiet ta’ dan l-istudju ġew inklużi direttament fil-valutazzjoni tal-impatt.

2.8   Ir-Regolament propost mill-Kummissjoni huwa maħsub biex jissostitwixxi d-Direttiva msemmija hawn fuq.

3.   Sommarju tal-Proposta

3.1   L-għan ta’ din il-Proposta, li tieħu post id-Direttiva 98/8/KE, huwa li jissaħħaħ il-moviment ħieles tal-prodotti bijoċidali fil-Komunità. Il-Proposta tipprova ssib rimedju għad-dgħufijiet tal-qafas leġiżlattiv li ġew osservati matul l-ewwel tmien snin tal-implimentazzjoni tiegħu, tipprova ttejjeb u taġġorna ċerti elementi tas-sistema u tipprova tevita l-problemi mbassra għall-ġejjieni. Fiha tinżamm l-istruttura tad-Direttiva 98/8/KE.

3.2   Is-semplifikazzjoni tal-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali fl-Istati Membri tista’ tippermetti li jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piżijiet amministrattivi għall-atturi ekonomiċi mingħajr ma jonqos il-livell ta’ sigurtà.

3.3   Il-Proposta għandha tkun koerenti mal-politiki u l-objettivi l-oħra tal-Unjoni. Hija tqis:

il-leġiżlazzjoni Komunitarja reċenti dwar il-prodotti kimiċi (5);

ir-Regolament 1272/2008 (6);

il-leġiżlazzjoni Komunitarja orizzontali b’rabta ma’ din il-kwistjoni;

ir-regoli ġenerali u l-obbligi tal-Istati Membri;

perijodu ta’ tranżizzjoni.

3.4   L-għan tal-Proposta huwa li:

tissemplifika r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

tevita d-duplikazzjoni tal-istudji fuq l-annimali vertebrati (7) billi timponi l-iskambju tad-data;

issaħħaħ l-armonizzazzjoni tas-sistemi tal-ħlas fl-Istati Membri u fil-livell Komunitarju;

tistabbilixxi regoli għall-kummerċ parallel;

tikkunsidra l-oġġetti jew il-materjali ttrattati bi prodotti bijoċidali.

3.5   F’artikoli differenti, il-Proposta tħeġġeġ ir-riċerka u l-innovazzjoni.

4.   Kummenti ġenerali

4.1   Proposta għal leġiżlazzjoni ġdida

4.1.1   Id-Direttiva dwar il-prodotti bijoċidali 98/8/KE ser tiġi sostitwita b’regolament.

4.1.2   Il-Proposta għal Regolament issegwi l-loġika ppreżentata fid-Direttiva dwar il-prodotti bijoċidali. Qabel tressqet il-Proposta, saret valutazzjoni tal-impatt li tiffoka fuq il-kamp ta’ applikazzjoni, l-awtorizzazzjoni tal-prodotti, l-iskambju tad-data, l-eżiġenzi b’rabta mad-data u l-ħlasijiet miġbura mill-Istati Membri.

4.1.3   Il-Kummissjoni għamlet sforz sabiex il-leġiżlazzjoni Ewropea dwar il-bijoċidi tikkonforma mar-Regolament dwar il-prodotti kimiċi (REACH).

4.2   Regoli għall-awtorizzazzjoni

4.2.1   L-introduzzjoni tal-kunċett tal-awtorizzazzjoni Komunitarja, bl-ECHA bħala ċentru regolatorju, hija element li fil-prinċipju jiffavorixxi l-implimentazzjoni armonjuża fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tisħaq li din is-sistema hija l-aktar waħda effikaċi u adatta biex ittejjeb id-disponibbiltà tal-prodotti u biex toħloq inċentivi għall-innovazzjoni u, b’hekk, tikkontribwixxi aktar għall-protezzjoni ta’ saħħet il-bniedem u l-ambjent. Madankollu, il-frammentazzjoni tas-suq tal-bijoċidi, kemm fil-livell tal-produtturi (ftit intrapriżi globalizzati, ħafna SMEs) kif ukoll fil-livell tal-prodotti u tal-applikazzjonijiet, tistieden għall-kunsiderazzjoni mill-ġdid ta’ din il-fehma. Fil-fatt, ħafna intrapriżi tas-settur, billi jkunu attivi f’għadd ristrett ta’ pajjiżi, jitolbu awtorizzazzjoni lokali. F’każ li l-attività tagħhom tespandi fi Stati Membri oħra, imbagħad jintalab ir-rikonoxximent reċiproku.

4.2.2   Hemm ir-riskju li l-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni fir-rigward tal-awtorizzazzjoni Komunitarja tal-prodotti bijoċidali b’riskju baxx u tas-sustanzi l-ġodda jkollu impatt limitat għaliex jikkonċerna biss minoranza ta’ sustanzi ta’ prodotti bijoċidali u, għaldaqstant, is-semplifikazzjoni amministrattiva għall-intrapriżi u għall-awtoritajiet tkun żgħira ħafna. Għalhekk ma tħeġġiġx lill-intrapriżi biex jinnovaw aktar.

4.2.3   Il-kunċett stess ta’ prodotti bijoċidali b’riskju baxx huwa mifrux fuq il-Proposta għal Regolament kollha. Huwa mixtieq li jkun hemm definizzjoni aħjar ta’ prodotti bijoċidali b’riskju baxx.

4.3   Data li għandha tingħata

4.3.1   Ċerti kriterji għad-definizzjoni tal-prodotti b’riskju baxx jistgħu jkunu restrittivi wisq. Qabel ma jiġu inklużi fir-regolament finali, dawn il-kriterji għandhom jiġu evalwati skont l-impatt tagħhom. L-istudju għandu jkun imsejjes fuq ir-riskji, filwaqt li jqis ukoll il-livell ta’ espożizzjoni u mhux ir-riskji intrinsiċi biss. Din il-miżura għandha tkun inċentiv għall-ħolqien ta’ prodotti innovattivi aktar siguri li fihom jintużaw sustanzi eżistenti. Għalhekk, il-prodotti li jissodisfaw dawn il-kriterji għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istatut ta’ “b’riskju baxx”. Il-projbizzjoni tal-promozzjoni ta’ dawn il-prodotti bħala prodotti b’riskju baxx hija kontroproduttiva.

4.3.2   Il-Proposta tal-Kumissjoni, li ma tinkludix il-prodotti b’riskju baxx fl-Anness I, hija inċentiv għall-iżvilupp u l-marketing. Madankollu, għandhom jiġu ċċarati u analizzati diversi punti, b’mod partikolari l-possibbiltà li jkun hemm gwida ċara fir-rigward tad-data għas-sustanzi attivi kif ukoll il-format li fih għandhom jiġu pprovduti.

4.3.3   Huwa meqjus li r-regoli ġenerali għall-adattament tad-data meħtieġa mniżżla fl-Anness IV huma, b’mod ġenerali, pożittivi. Huma gwida fir-rigward tat-tqassim ta’ testijiet li għandhom isiru.

4.3.4   Id-data li għandha tingħata fuq is-sustanzi attivi tissemma fl-Anness II tal-Proposta; dan l-Anness huwa strutturat fuq żewġ livelli u l-ewwel wieħed huwa definit bħala standard. Il-preżentazzjoni tad-data tat-tieni livell tista’ tkun meħtieġa skont il-karatteristiċi u l-użu previst tas-sustanza attiva, b’mod partikolari jekk joħroġ fid-dieher li hemm periklu għas-saħħa jew għall-ambjent.

4.3.5   Ċerti studji tossikoloġiċi m’għadhomx neċessarji fl-ewwel livell, però jistgħu jkunu meħtieġa fit-tieni wieħed. Madankollu, billi huma l-Istati Membri li jiddeterminaw l-ispettru ta’ data meħtieġa fuq il-bażi tal-valutazzjoni tagħhom, hemm ir-riskju li tintalab data li tmur lil hinn minn dak li huwa xjentifikament meħtieġ.

4.3.6   Minħabba raġunijiet marbuta mal-kompetizzjoni, id-data li għandha tingħata għal sorsi alternattivi ta’ sustanzi attivi ma tistax titnaqqas sakemm dawn is-sustanzi jkunu jinsabu fl-Anness I u l-protezzjoni tagħhom tkun għadha ma skadietx.

4.3.7   Il-livell għoli ta’ data meħtieġa għall-prodotti bijoċidali mniżżla fl-Artikolu 18, li jikkonċerna d-data li għandha tingħata għat-talba tal-awtorizzazzjoni, u fl-Anness III tal-Proposta baqa’ bħalma hu fid-Direttiva attwali. M’hemmx testijiet mifruxa fuq diversi livelli u l-eżiġenzi ma tnaqqsux għal dak li hu strettament neċessarju. Għaldaqstant, huwa diffiċli għall-produtturi li jiżviluppaw prodotti innovattivi għal użi partikolari.

4.4   Skambju tad-data

4.4.1   Hemm obbligu li jsir skambju tad-data dwar it-testijiet fuq l-annimali u li jinqasmu b’mod ġust l-ispejjeż marbuta mat-tħejjija u l-użu tad-data bil-għan li tintwera s-sigurtà tal-prodotti fil-qafas tad-Direttiva attwali.

4.4.2   Minkejja li dan il-kunċett ta’ skambju tad-data huwa konformi mar-Regolament REACH, il-Proposta mhix konformi fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u l-perijodu ta’ protezzjoni.

4.5   Miżuri ta’ semplifikazzjoni

4.5.1   Huwa mistenni li jkun hemm bidliet pożittivi fil-formulazzjonijiet qafas li permezz tagħhom għandhom ikunu jistgħu jiġu żviluppati b’mod aktar faċli l-varjazzjonijiet fil-kompożizzjoni fi ħdan grupp ta’ prodotti bijoċidali. Madankollu, hemm bżonn jiġi ċċarat sa fejn għandha tasal il-flessibbiltà tal-kompożizzjoni, kemm rigward is-sustanzi bijoċidali kif ukoll rigward is-sustanzi inerti li jagħmlu parti minnha.

4.6   Ir-rwol tal-ECHA

4.6.1   L-ECHA ser ikollha biss rwol ta’ koordinazzjoni u ta’ validazzjoni tal-awtorizzazzjoni Komunitarja għall-prodotti bijoċidali b’riskju baxx u s-sustanzi l-ġodda.

4.6.2   Il-KESE jemmen li l-ECHA tista’ taqdi r-rwol ta’ “ċentru tas-separazzjoni” li jiġbor flimkien l-applikazzjonijiet li jixxiebhu. B’hekk il-valutazzjoni tagħhom tkun tista’ ssir minn awtorità waħda, anke jekk il-fajl ikun tressaq lil diversi Stati Membri.

4.7   Kummerċ parallel – protezzjoni tad-data

4.7.1   Kif sar fir-Regolament il-ġdid dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, il-KESE jemmen li fil-kuntest tal-moviment ħieles tal-prodotti, il-proċeduri tal-kummerċ parallel għandhom ikunu limitati għall-prodotti identiċi, ibbażati fuq l-istess sorsi ta’ sustanzi attivi u koingredjenti.

4.7.2   Fil-qafas tal-kummerċ parallel għandha tissaħħaħ il-protezzjoni tad-data meħtieġa, għall-inqas għas-sustanzi bijoċidali li jkunu ser jiġu inklużi fl-Anness I.

4.7.3   Sabiex jiġi evitat il-fenomenu tal-“passiġġier klandestin”, l-industrija talbet li r-relazzjoni mal-kumpanija tas-sustanzi attivi introdotti fl-Anness I tiġi inkluża bħala kondizzjoni għas-sjieda u l-protezzjoni tad-data. L-industrija tal-bijoċidi tapprezza li l-Kummissjoni tirrikonoxxi dan il-fenomenu. L-Artikolu 83 għandu jkun aktar dettaljat, bil-għan li dan il-fenomenu jiġi ffaċċjat b’mod aktar effikaċi.

4.8   Materjali u oġġetti ttrattati

4.8.1   Il-Proposta tistipula li l-materjali u l-oġġetti ttrattati kollha għandhom jiġu ttrattati esklużivament bi prodotti bijoċidali awtorizzati għal dan il-għan f’minn tal-inqas Stat Membru wieħed. Hija tappoġġja wkoll l-estensjoni ta’ din il-miżura għall-materjali u l-oġġetti li jkunu ġejjin minn pajjiżi terzi sabiex jiġi garantit suq ekwu u ġust għal kulħadd.

4.8.2   Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-materjali u l-prodotti ttrattati jkollhom tikketta sabiex tiġi garantita informazzjoni adegwata u effikaċi għall-utent. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tanalizza aktar fil-fond din il-kwistjoni sabiex l-użu ta’ tikkettar eżawrjenti jiġi limitat biss għall-każi li fihom ikun utli għall-konsumatur. Il-KESE jipproponi żewġ livelli ta’ informazzjoni. L-ewwel wieħed għandu jipprovdi l-informazzjoni essenzjali skont l-użu u l-protezzjoni tal-konsumatur. It-tieni għandu jinkludi l-informazzjoni kollha magħrufa u għandu jkun disponibbli f’każ li l-konsumaturi jirrikorru għand l-atturi professjonali. Din l-informazzjoni tista’ tkun disponibbli permezz ta’ bażi tad-data u ta’ siti elettroniċi.

4.9   Skadenzi u implimentazzjoni

4.9.1   In-nuqqas ta’ rispett tal-iskadenzi tal-valutazzjonijiet preżentati fid-Direttiva huwa sors kbir ta’ tħassib. Dawn l-iskadenzi ġew estiżi f’reviżjoni żgħira tad-Direttiva, però jidher li ftit sar biex jitneħħew mis-suq is-sustanzi li ma ġewx riveduti u li jistgħu jkunu potenzjalment ta’ ħsara. L-applikazzjoni uniformi tad-definizzjonijiet u l-iskadenzi għandha tippermetti funzjonament aħjar tal-proċedura bejn l-Istati Membri.

4.9.2   Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li ma tkunx uniformi u effikaċi fil-livell tal-Istati Membri tkun ta’ dannu għal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

4.10   Proċeduri ta’ ħlas

4.10.1   Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi armonizzata l-istruttura tal-ħlasijiet kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-ECHA. L-utenti jiltaqgħu ma’ differenzi kbar bejn l-Istati Membri differenti fir-rigward tal-ħlas għall-valutazzjoni. Ħafna drabi ma jkun hemm l-ebda relazzjoni bejn ir-riżorsi meħtieġa u dawk effettivament użati.

4.10.2   Il-ħlasijiet għandhom ikunu ħafna aktar trasparenti billi jindikaw il-passi u l-proċeduri differenti li jwasslu għall-valutazzjoni. Għandhom ikunu marbuta b’mod raġonevoli mal-ammont ta’ xogħol meħtieġ u jistgħu jintalbu biss meta jkun neċessarju.

4.10.3   Fl-ebda każ m’għandu jinġabar ħlas mingħajr ġustifikazzjoni.

5.   Kummenti partikolari

5.1   Esklużjoni tas-sustanzi bijoċidali mill-Anness I

5.1.1   L-Artikolu 5(2) tal-Proposta jeskludi mill-Anness I is-sustanzi attivi kklassifikati bħala karċinoġeni, mutaġeni u tossiċi għar-riproduzzjoni kif ukoll dawk li għandhom karatteristiċi li jfixklu s-sistema endokrinali.

5.1.2   Madankollu, l-Artikolu 5(1) tal-Proposta jsemmi tliet każi li fihom tista’ ssir deroga u dawn is-sustanzi jkunu jistgħu jiġu inklużi fl-Anness I:

f’każ ta’ espożizzjoni negliġibbli għall-utenti,

għas-sustanzi meħtieġa għas-saħħa pubblika,

għas-sustanzi li jkollhom relazzjoni pożittiva bejn il-benefiċċju u r-riskju.

Però l-aħħar indent ta’ dan l-Artikolu jeskludi għalkollox l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar deroga għas-sustanzi attivi maħsuba għat-tipi ta’ prodotti Nru 14 sa Nru 19 (8).

5.1.3   Ċerti sustanzi bijoċidali jistgħu jkunu perikolużi min-natura tagħhom stess, u dan huwa konsegwenza tal-iskop tagħhom li huwa rifless fid-definizzjoni ta’ sustanza attiva, li hi “sustanza jew mikroorganiżmu li taġixxi/jaġixxi kontra organiżmi ta’ ħsara”. Il-benefiċċji tal-użu tagħhom kif ukoll il-miżuri biex titnaqqas kemm jista’ jkun l-espożizzjoni għall-bniedem u għall-ambjent jistgħu jippermettu li dawn is-sustanzi jintużaw bħala bijoċidi.

5.1.4   Għalkemm l-espożizzjoni okkażjonali ma tqajjimx preokkupazzjonijiet maġġuri, il-KESE jirrakkomanda l-prudenza fir-rigward tal-espożizzjonijiet għall-prodotti bijoċidali mingħajr protezzjoni adegwata.

5.1.5   Madankollu, il-KESE jaħseb li hemm diskriminazzjoni arbitrarja fir-rigward tat-tipi ta’ prodotti msemmija hawn fuq (Nru 4 u minn Nru 14 sa Nru 19) li ma jistgħux jibbenefikaw mill-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(c). Din il-miżura taħdem kontra l-innovazzjoni u tnaqqas il-firxa ta’ sustanzi potenzjalment utli bħala prodotti bijoċidali għall-ġejjieni.

5.2   Estensjoni tar-rwol tal-ECHA

5.2.1   Il-KESE huwa favur l-estensjoni tal-firxa ta’ kompetenzi tal-ECHA. Għandha tkun tista’ timmaniġġja b’mod attiv il-proċeduri kollha għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti bijoċidali, kemm Komunitarji kif ukoll nazzjonali.

5.2.2   Il-vantaġġi ta’ valutazzjoni ċentralizzata huma dawn li ġejjin:

l-ECHA jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-proċeduri kollha meħtieġa għall-validazzjoni tal-applikazzjoni f’każ ta’ awtorizzazzjoni Komunitarja;

il-validazzjoni tal-fajls minn korp wieħed tippermetti aktar konsistenza u leġiżlazzjoni dwar il-bijoċidi aktar armonjuża u aktar sempliċi;

l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffokaw ir-riżorsi tagħhom fuq il-valutazzjoni reali tal-applikazzjoni;

madankollu l-validazzjoni mill-ECHA ma teliminax il-possibbiltà li tiġi introdotta data ġdida li tinsab matul il-proċess tal-valutazzjoni. Dan jibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri.

5.2.3   Barra minn dan, meta l-ECHA taqdi r-rwol ta’ “ċentru tas-separazzjoni” u fl-istess ħin tieħu ħsieb il-ġestjoni tal-fajls tal-prodotti bijoċidali:

ir-Reġistru Komunitarju tal-Prodotti Bijoċidali, immaniġġjat mill-ECHA, ikun strument eċċellenti għall-ġestjoni tat-tqassim ta’ prodotti bijoċidali fi gruppi;

il-prodotti bijoċidali bbażati fuq l-istess sustanza attiva jew użati fl-istess tipi ta’ prodotti jkollhom l-istess skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet tagħhom;

il-valutazzjoni tal-elementi prinċipali tal-fajls ta’ dawn il-prodotti minn awtorità kompetenti waħda żżid il-konsistenza u l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-bijoċidi;

il-ġestjoni ta’ proċedura tal-valutazzjoni effikaċi tinkoraġġixxi aktar lill-utenti biex iħejju l-fajls b’mod proattiv u tnaqqas il-limitu għall-industrija.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Direttiva 2009/128/KE – ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.

(2)  Direttiva 98/8/KE.

(3)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 3, Volum 23, p. 3-65).

(4)  ĠU C 195, 18.7.1994, p. 70 (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Regolament KE 1907/2006 (REACH) – ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(6)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(7)  ĠU C 94, 18.4.2002, p. 5 (mhux disponibbli bil-Malti) u ĠU C 277, 17.11.2009, p. 51.

(8)  Tip ta’ prodotti Nru 4: Disinfettanti tal-ikel u taż-żoni tal-ikel.

Tip ta’ prodotti Nru 14: Rodentiċidi.

Tip ta’ prodotti Nru 15: Aviċidi.

Tip ta’ prodotti Nru 16: Molluskiċidi.

Tip ta’ prodotti Nru 17: Pixxiċidi.

Tip ta’ prodotti Nru 18: Insettiċidi, akariċidi u prodotti biex jikkkontrollaw l-artropodi.

Tip ta’ prodotti Nru 19: Sustanzi li jbiegħdu (repellents) jew li jattiraw (attractants).

It-tipi ta’ prodotti minn Nru 14 sa Nru 19 jifformaw il-GRUPP EWLIENI 3: Kontroll tal-pesti.


18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr”

COM(2009) 482 finali – 2009/0131 (COD)

(2010/C 347/10)

Relatur: is-Sur PEZZINI

Nhar id-29 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr

COM(2009) 482 finali – 2009/0131 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Intern, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-1 ta’ Frar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet nhar is-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’190 vot favur u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE japprezza l-ħidma tal-Kummissjoni biex tadatta l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr għal żviluppi internazzjonali u miżuri riċenti, sabiex jissaħħaħ is-suq intern u titnaqqas il-burokrazija.

1.2   Il-proposta tal-Kummissjoni hija importanti ħafna billi testendi l-ambitu tal-ftehimiet internazzjonali ADR, RID u ADN, li kienu diġà ġew inkorporati mid-Direttiva 2008/68/KE, għat-trasport nazzjonali.

1.3   Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-adozzjoni tad-Direttiva ser twassal għall-konverżjoni tar-rakkomandazzjoni li saret mill-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE) u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għall-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) f’att leġiżlattiv għall-Istati Membri, b’benefiċċji ċari għas-suq intern.

1.4   Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-proċeduri kollha stipulati jiffokaw b’mod kostanti, bħala l-objettiv ewlieni tagħhom, fuq is-sikurezza tal-operaturi u tal-pubbliku tul il-produzzjoni, it-trasport, il-bejgħ u r-riċiklaġġ tal-apparat.

1.5   Il-KESE jenfasizza li l-aspett tas-sikurezza huwa tal-ikbar importanza fiż-żewġ regolamenti: ir-regolament attwali u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/68/KE.

1.6   Il-KESE jenfasizza l-bżonn għal taħriġ, li huwa neċessarju sabiex ikun hemm persunal ikkwalifikat u ċċertifikat fil-ġestjoni tar-riskji; jissuġġerixxi li jiġu fformulati b’mod ċar liema responsabilitajiet jaqgħu fuq min, u li jiġu previsti sanzjonijiet fil-każ tal-ksur tal-kriterji ta’ sikurezza u r-rimborż eventali għal danni mġarrba, permezz tal-possibilità li jsir rikors għal assigurazzjoni fuq ir-riskju min-naħa tal-operaturi.

1.7   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-mezzi magħżula mill-Kummissjoni biex tingħata struttura leġiżlattiva koerenti lill-proposta, li tagħmel dispożizzjoni għal:

il-konsolidazzjoni tar-regoli tekniċi f’test wieħed,

l-inkorporazzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi adottati biex isaħħu s-suq intern, u li jagħtu lill-entitajiet notifikati rwol iktar definit,

l-estensjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE għal stati oħrajn li mhumiex fl-UE,

kontroll iktar strett fuq is-suq.

1.8   Il-KESE jħoss li ċerti artikoli tal-proposta setgħu ġew żviluppati aħjar, sabiex it-traspożizzjoni tagħhom fl-Istati Membri tkun iktar effettiva u jiġu evitati interpretazzjonijiet diverġenti.

1.9   Il-KESE jaħseb li għandhom jiġu approfonditi iktar ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, b’mod speċjali dawk mal-fruntieri u l-“enclaves” Komunitarji, permezz ta’ ftehimiet ma’ dawk il-pajjiżi fejn l-apparat ta’ pressjoni tagħhom jinġarr fit-territorju tal-UE, u għaldaqstant jeħtieġ li jirrispetta r-rekwiżiti tad-direttiva.

1.10   Il-KESE jemmen bil-qawwa li l-adozzjoni ta’ regoli speċifiċi dwar it-traċċabilità matul il-monitoraġġ, it-trattament u l-kontroll ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr għandha tgħin sabiex tissaħħaħ iktar il-kultura tar-responsabilità u biex ikun hemm iktar ċarezza fil-każ ta’ tilwim li jista’ jinqala’ fir-rigward ta’ ħsara lill-operaturi, lill-persuni jew lill-oġġetti. L-entitajiet notifikati, anke fil-każ ta’ inċidenti, iridu jkun responsabbli għar-riċerka u l-analiżi dwar xi jkun ġara fir-rigward tal-operaturi u l-partijiet terzi involuti.

1.11   Il-KESE jirrakkomanda l-abbozzar ta’ linji gwida ġodda, li jġeddu, fid-dawl taż-żewġ regolamenti l-ġodda, dawk li huma previsti fid-Direttiva 1999/36/KE, li għandha tiġi revokata.

2.   Sfond

2.1   Il-KESE huwa tal-fehma li t-tisħiħ tas-sigurtà tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr fit-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi u l-iżgurar tal-moviment ħieles ta’ dan l-apparat fil-Komunità huma essenzjali għall-implimentazzjoni sħiħa tas-Suq Uniku Ewropew u l-protezzjoni tal-industrija, il-kummerċ internazzjonali, il-konsumatur, l-ambjent u l-pubbliku ġenerali.

2.2   Il-KESE jaqbel bis-sħiħ dwar il-ħtieġa għal dan li ġej:

għandhom isiru evalwazzjoni ta’ konformità u ċertifikazzjoni ta’ kull apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr ġdid;

għandhom isiru spezzjonijiet perjodiċi u evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità;

l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr li diġà jeżisti għandu jkun suġġett għal spezzjonijiet perjodiċi;

l-entitajiet notifikati għandhom iwaħħlu marki ta’ konformità mal-apparat bħala prova ta’ ċertifikazzjoni;

għandhom jissaħħu s-sistemi ta’ sorveljanza tas-suq, kif sejjaħ il-KESE fl-Opinjoni tiegħu (1) dwar il-qafas leġiżlattiv ġdid definit fir-Regolament 765/2008/KE u d-Deċiżjoni 768/2008/KE.

2.3   In-NU regolarment jagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi (iżda mhux legalment vinkolanti) dwar standards ġodda tal-ISO, li huma inklużi fil-“Ktieb Oranġjo”, biex b’hekk jiġi żgurat rikonoxximent internazzjonali ta’ standards tal-ISO volontarji fis-settur, u jitqiesu l-progress tekniku, il-materjali ġodda u x-xkiel għat-trasport, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tan-nies, tal-prodotti u tal-ambjent.

2.4   Il-Kumitat tal-Esperti tan-NU riċentement iddeċieda li jinkludi, f’kapitolu speċjali, referenza għal ammont sostanzjali ta’ standards tal-ISO, u b’hekk jagħti saħħa legali lill-marki tan-NU.

2.5   Il-Kummissjoni Ekonomika tan-NU għall-Ewropea (UNECE) fissret il-politika tagħha f’dawn id-dokumenti:

il-Ftehim Ewropew dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bit-triq (ADR) (2);

ir-Regolamenti dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija (RID) (3), li ġew inkorporati fid-Direttivi 94/55/KE u 96/49/KE;

il-Ftehim Ewropew dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi fuq passaġġi tal-ilma interni (ADN) (4).

2.6   Skont dawn il-ftehimiet, fit-18 ta’ Awwissu 2009 l-UNECE nediet is-16-il reviżjoni tar-Rakkomandazzjonijiet dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi.

2.7   Ir-reviżjoni tinkludi:

il-klassifikazzjoni u d-definizzjoni tal-klassijiet individwali;

lista tal-oġġetti perikolużi ewlenin;

rekwiżiti ġenerali dwar l-ippakkjar;

proċeduri ta’ testjar;

l-immarkar, it-tikkettar, it-testjar u l-approvazzjoni ta’ pakketti u tankijiet li jistgħu jinġarru;

proċeduri ta’ konsenja.

2.8   Ir-reviżjoni għandha l-għan li ġġib magħha proċeduri ssemplifikati tat-trasport, tat-trattar u tal-kontroll, kif ukoll tnaqqis fil-formalitajiet u, b’mod ġenerali, inqas ostakoli għat-trasport internazzjonali tal-oġġetti li huma kkaratterizzati bħala “perikolużi”, waqt li b’mod kostanti tingħata attenzjoni għas-sistemi u r-regoli ta’ sigurtà għall-operaturi u l-pubbliku.

2.9   Fl-24 ta’ Settembru 2008, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, li ntlaqgħet b’sodisfazzjon mill-KESE (5). Din id-Direttiva ħassret id-Direttivi 94/55/KE, 96/49/KE, 96/35/KE u 2000/18/KE (6).

2.10   Bid-Direttiva 2008/68/KE, ġie deċiż li jiġi ssemplifikat il-qafas leġiżlattiv permezz ta’ “att leġislattiv uniku (it-tliet mezzi tat-trasport …  koperti minn att leġislattiv uniku biss), … (fejn) referenzi għal trattati internazzjonali dwar it-trasport tal-oġġetti perikolużi jiġu inklużi biss fl-annessi tad-direttiva, u mhux fid-direttiva nnifisha” (5).

2.11   Barra mid-Direttiva 2008/68/KE, li inkorporat l-ADR, l-RID u l-ADN (7), il-kwistjoni qed tiġi indirizzata attwalment fil-livell Ewropew mid-Direttiva 1999/36/KE dwar l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, u li dwarha l-KESE kkummenta (8), u minn leġiżlazzjoni “b’approċċ ġdid” li ġiet emendata bosta drabi (9) sabiex iżżomm ruħha aġġornata mal-progress teknoloġiku.

2.12   Huwa importanti li jintlaħqu l-ħtiġijiet ta’ standardizzazzjoni fil-qasam tal-apparat ta’ pressjoni: standardizzazzjoni li tappoġġja u tissupplimenta l-leġiżlazzjoni issa hija essenzjali sabiex tiġi żgurata politika ta’ kwalità u sigurtà. L-aċċessorji wkoll iridu jitqiesu, kif inhu previst fil-ftehimiet ADR/RID/ADN.

2.13   Nhar id-9 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-Kunsill 99/36/KE (10), li nnotat li “… maġġoranza ta’ Stati Membri ma jippermettux lill-entitajiet approvati li jwettqu valutazzjonijiet ta’ konformità għat-tqegħid fis-suq nazzjonali ta’ tagħmir ġdid presurizzat u li jista’ jinġarr” (ma tteħditx l-għażla disponibbli fl-Artikolu 4). Għandu jiġi nnotat li l-użu ta’ entitajiet approvati mhuwiex obbligatorju, waqt li huwa obbligatorju li jintużaw entitajiet notifikati.

2.14   Barra minn hekk, il-Kummissjoni stess kienet ipposoniet għall-1 ta’ Lulju 2005 d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 1999/36/KE dwar tankijiet tal-ħadid ippresurizzati, gruppi ta’ ċilindri u tankijiet, meta wieħed iqis li “m’hemm l-ebda speċifikazzjonijiet tekniċi dettaljati u l-ebda referenzi adegwati għal-livelli Ewropej li huma rilevanti ma ġew miżjuda mal-Annessi għad-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE … rigward it-trasport bis-sewqan ta’ prodotti perikolużi, … u għad-Direttiva tal-Kunsill 96/49/KE … dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-trasport ta’ prodotti perikolużi bil-ferrovija” (11), skont l-Opinjoni tal-KESE dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi.

2.15   Fil-fatt, l-implimentazzjoni tad-Direttiva 1999/36/KE ħolqot ammont sostanzjali ta’ tħassib fost il-manifatturi, l-entitajiet responsabbli għall-evalwazzjoni tal-konformità tal-prodotti, l-utenti, il-korpi professjonali u l-kumitati ta’ standardizzazzjoni, responsabbli għat-tfassil tar-rekwiżiti essenzjali.

2.16   Il-KESE jtenni l-kummenti preċedenti tiegħu dwar is-suġġett, jiġifieri li “wieħed ma jistax jimmaġina li jiġu assigurati l-aħjar kondizzjonijiet possibbli għat-trasport intern tal-oġġetti perikolużi sakemm it-tipi kollha tat-trasport intern (bit-triq, bil-ferrovija u l-ilmijiet interni navigabbli) ikunu koperti wkoll minn leġislazzjoni komuni fl-UE kollha” (12), f’konformità mar-regoli internazzjonali.

3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

3.1   Il-proposta, li għandha testendi ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), għandha tilħaq dawn l-erba’ objettivi ewlenin:

tħassar id-Direttiva 1999/36/KE u d-Direttivi 76/767/KEE, 84/525/KEE, 84/526/KEE u 84/527/KEE dwar ċilindri pressurizzati;

tissemplifika r-regoli kull fejn huwa possibbli, tottimizzahom u ġġibhom konformi mar-regoli Ewropej u internazzjonali li huma fis-seħħ bħalissa;

taġġorna l-leġiżlazzjoni sabiex ikunu żgurati l-moviment ħieles u l-użu ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti fis-suq intern, b’referenza għar-Regolament Nru 765/2008/KE u d-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE;

tneħħi oqsma ta’ kunflitt bejn ir-regoli dwar l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr (Direttiva 1999/36/KE) u l-leġiżlazzjoni internazzjonali dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi, is-semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li diġà jeżistu, b’mod partikulari fir-rigward tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-konformità.

3.2   Fl-interess tas-sigurtà tat-trasport u l-moviment ħieles tal-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, il-proposta tiddefinixxi l-obbligi preċiżi tal-operaturi ekonomiċi varji, tal-operaturi responsabbli għat-trattament ta’ kuljum, inklużi s-sidien u l-operaturi ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, sabiex jiġi ċċarat b’mod trasparenti ta’ min hi r-responsabilità.

3.3   Il-proposta tistipula rekwiżiti u responsabilitajiet għall-awtoritajiet li għandhom il-kompitu li jevalwaw, jinnotifikaw u jimmonitorjaw l-entitajiet notifikati u ta’ spezzjoni, kif ukoll li jipprovdu għal rikonoxximent reċiproku tal-entitajiet notifikati.

3.4   Il-Kummissjoni jirriżerva d-dritt li jġib l-Annessi konformi mal-progress xjentifiku u teknoloġiku, skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju inkluża fis-sistema tal-komitoloġija (13).

4.   Kummenti ġenerali

Il-KESE jappoġġja l-objettivi tal-proposta relatati mas-sigurtà, l-obbligi u r-responsabiilitajiet tal-operaturi u tal-awtoritajiet pubbliċi, proċeduri u spezzjonijiet definiti b’mod ċar, u rekwiżiti għat-tqegħid fis-suq, id-disponibilità u l-użu ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, fil-qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti definiti mid-Deċiżjoni 768/2008/KE u s-sistema ta’ sorveljanza tas-suq definita mir-Regolament 765/2008/KE.

4.1.1   Il-KESE jemmen li l-operaturi jaqdu rwol ewlieni fil-proċeduri kollha li jikkonċernaw l-apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr (it-talba għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-konformità, il-produzzjoni, it-trasport, il-manutenzjoni teknika u r-riċiklaġġ), u għaldaqstant isejjaħ biex il-miżuri ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva jaħsbu għal dawn id-dettalji delikati kollha. Għandu jkun previst taħriġ regolari u adatt għall-persunal, immirat lejn ġestjoni kawta tar-riskju. Tista’ tkun xierqa assigurazzjoni tar-riskju, prevista għall-operaturi interessati.

4.2   Il-KESE enfasizza bil-qawwa li “l-moviment liberu tal-prodotti huwa xprun essenzjali għall-kompetittività u għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tas-suq uniku Ewropew: ir-rinfurzar u l-aġġornar tar-rekwiżiti għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti sikuri u ta’ kwalità għolja huma fatturi ewlenin għall-konsumaturi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej” (14).

4.3   Il-KESE jemmen li huwa tajjeb li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tkun marbuta mar-regoli internazzjonali, bil-possibilità li jiġu inklużi referenzi għal konvenzjonijiet u ftehimiet internazzjonali rilevanti, mhux tal-inqas sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat tas-semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet u l-istandards tekniċi (15).

4.4   Filwaqt li l-KESE jieħu nota tal-“konsultazzjonijiet intensivi mal-Istati Membri u ma’ partijiet oħra interessati” li wettqet il-Kummissjoni, kien jippreferi li kieku d-Direttiva l-ġdida kienet suġġetta għal evalwazzjoni tal-impatt, mhux l-inqas meta wieħed iqis il-kumplessità tad-dispożiżżjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li għandhom jiġu rrispettati.

4.5   Huwa mħasseb dwar il-prospett li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma jiġux applikati għal appartat li jintuża esklużivament għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn iż-ŻEE u pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-KESE jaħseb li għandhom jiġu approfonditi iktar ir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi, b’mod speċjali dawk mal-fruntieri u l-“enclaves” Komunitarji.

4.6   Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-traċċabilità ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr, li b’hekk jagħmilha iktar faċli biex tiġi diterminata r-responsabilità. L-inċident traġiku riċenti fejn tank sploda fl-istazzjon ta’ Viareggio wera li hemm limiti ċari għall-possibilitajiet li tiġi diterminata r-responsabilità.

4.7   Il-KESE huwa mħasseb ukoll għalfejn ma ġewx stabbiliti pieni għall-ksur tal-obbligi stipulati fid-Direttiva, b’mod partikulari fil-qasam tas-sigurtà, b’mod speċjali meta wieħed iqis il-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-operaturi u tal-pubbliku.

4.8   Fir-rigward tal-użu tal-proċedura regolatorja bi skrutinju, inkluża fis-sistema ta’ komitoloġija, il-KESE enfasizza l-importanza li “l-proċeduri ta’ komitoloġija jkunu kemm jista’ jkun ċari u komprensibbli għall-persuni residenti fl-UE, b’mod partikolari għal dawk il-persuni milqutin direttament minn dawn l-atti” u enfasizza wkoll “li tenħtieġ applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 8(a) tat-Trattat ta’ Lisbona, li jistipula li d-deċiżjonijiet jittieħdu kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadini, u jiggarantixxi l-aċċess sħiħ għall-informazzjoni miċ-ċittadini u mis-soċjetà ċivili” (16).

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Artikolu 2(14): il-KESE jissuġġerixxi li l-proposta tiċċara iktar li d-distinzjoni “kemm jekk bil-ħlas kif ukoll b'xejn” hija referenza għal każi partikulari, li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-entitajiet notifikati.

5.2   Artikolu 6(6): il-KESE jaħseb li jkun tajjeb li jiġi ddikjarat lil min għandha tingħata d-dokumentazzjoni, jekk l-importatur jieqaf jaħdem, għas-snin li jkun fadal tal-perijodu speċifikat ta’ 20 sena. Billi din il-possibilità hija prevista fl-annessi għad-Direttiva 2008/68/KE, fil-punt 1.8.7.1.6 ikun tajjeb li tissemma b’mod espliċitu fil-proposta.

5.3   Artikolu 18(5): il-KESE jaħseb li filwaqt li hemm ħtieġa għal konfidenzjalità fir-rigward ta’ informazzjoni sensittiva, il-miżuri jridu jkunu pubbliċi sabiex jiġu evitati żbalji u omissjonijiet.

5.4   Artikolu 29: il-KESE jemmen li jkun utli li jiġu speċifikati b’mod iktar ċar l-obbligi, l-impenji u r-responsabilitajiet tal-entitajiet notifikati, sabiex jiġu żgurati proċeduri uniformi u rigorużi fis-settur delikat ta’ apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr.

5.5   Il-KESE jemmen li jkun adatt li d-Direttiva tispeċifika b’mod iktar ċar ta’ min hi r-responsabilità fl-Istati Membri l-evalwazzjoni tal-effiċjenza tal-apparat u t-tagħmir u jekk humiex skaduti, b’mod partikulari biex jiġi evitat li jweġġgħu n-nies. Dan diġà huwa previst fid-Direttiva 2008/68/KE, iżda jkun tajjeb li jissemma wkoll fil-proposta attwali.

5.6   Il-KESE jenfasizza li, barra mill-apparat ta’ pressjoni, hemm apparat li jsir “pressurizzat” wara ċerti azzjonijiet. Dan l-apparat għandu jkun inkluż ukoll. Jeħtieġ ukoll li jiġu previsti livelli ta’ sikurezza fir-rigward tal-ħżin fuq perijodu medju (ara d-Direttiva 2008/68/KE) u twil.

5.7   Il-KESE jemmen li għandha ssir dispożizzjoni għas-soluzzjoni ta’ kull tilwim (fil-qorti, arbitrazzjoni, eċċ.) li jista’ jinqala’ bejn is-sidien, l-importaturi, ir-rappreżentanti u l-operaturi.

5.8   Il-KESE jirrakkomanda, fl-aħħar nett, it-tfassil ta’ linji gwida ta’ kjarifika, imħejjija b’mod konġunt, kemm għad-direttiva l-ġdida proposta, kif ukoll għad-Direttiva 2008/68/KE, skont dak li sar għar-revoka tad-Direttiva 1999/36/KE.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 1

(2)  Iffirmat fit-30 ta’ Settembru 1957 f’Ġinevra. Sal-31.3.2009, 45 pajjiż kienu rratifikaw l-ADR: l-Albanija, il-Ġermanja, l-Andorra, l-Awstrija, l-Ażerbajġan, il-Bjelorussja, il-Belġju, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Bulgarija, Ċipru, il-Kroazja, id-Danimarka, Spanja, l-Estonja, il-Maċedonja, il-Federazzjoni Russa, il-Finlandja, Franza, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Kazakistan, il-Latvja, Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Marokk, il-Moldova, il-Montenegro, in-Norwveġja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, ir-Renju Unit, is-Serbja, is-Slovakkja, is-Slovenja, l-Isvezja, l-Isvizzera, it-Tuneżija u l-Ukraina.

(3)  Ir-Regolament dwar ir-RID huwa mfisser fl-Appendiċi C għall-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF), li ġiet adottata fit-3 ta’ Ġunju 1999 f’Vilnius.

(4)  Il-Ftehim Ewropew ġie ffirmat fis-26 ta’ Mejju 2000 f’Ġinevra u sussegwentement ġie emendat.

(5)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 44.

(6)  Id-Direttiva 2000/18/KE (ĠU L 118, 19.5.2000, pp. 41-43).

(7)  Ara n-noti 2, 3 u 4 f’qiegħ il-paġna.

(8)  Il-KESE esprima l-fehmiet tiegħu dwar din il-kwistjoni fl-10.07.1997 (ĠU C 296, 29.9.1997, p. 6).

(9)  Permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/2/KE tal-4 ta’ Jannar 2001 (ĠU L 5, 10.1.2001, p. 4) u tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/50/KE tas-6 ta’ Ġunju 2002 (ĠU L 149, 7.6.2002, p. 28).

(10)  COM(2005) 415 finali, 9.9.2005.

(11)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/525/KE (ĠU L 183, 22.7.2003, p. 45).

(12)  Ara n-nota 7 f’qiegħ il-paġna.

(13)  Deċiżjoni 1999/468/KE (ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23).

(14)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 1.

(15)  N.B. L-Istati Uniti ma taċċettax ċilindri mmarkati min-NU iżda biss dawk approvati skont it-tip mill-korp tagħha, DOT.

(16)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 35.


18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/73


“Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar” il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-koperazzjoni amministrattiva ul-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Riformulazzjoni)

COM(2009) 427 fin – 2009/0118 (CNS)

(2010/C 347/11)

Relatur: is-Sur BURANI

Nhar is-23 ta’ Settembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-koperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Riformulazzjoni)

COM(2009) 427 finali – 2009/0118 (CNS).

Is-sezzjoni speċjalizzata għall-Unjoni ekonomika u monetarja, koeżjoni ekonomika u soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett taħt diskussjoni, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Frar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’203 voti favur, 1 vot kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003, dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004. Il-Kummissjoni hija obbligata li kull tliet snin tressaq rapport dwar it-tħaddim tagħha. Flimkien ma’ dan l-impenn, fejn ressqet ir-rapport ta’ Awwissu 2009, hija ppreżentat proposta ġdida għal Regolament (riformulazzjoni). B’din il-proposta, il-Kummissjoni tagħmel diversi tibdil lill-qafas legali tar-Regolament fis-seħħ, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-ewwel snin ta’ applikazzjoni. L-għan prinċipali u ddikjarat tagħha huwa li tipprovdi lill-Istati Membri bi strument aktar effiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva aħjar.

1.2   Ir-rapport tal-Kummissjoni huwa utli ħafna biex il-proposta tinftiehem: l-applikazzjoni tar-Regolament mhix biżżejjed għal diversi raġunijiet. Fil-qosor, “il-koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-VAT għadha mhix intensiva biżżejjed sabiex tlaħħaq mal-evażjoni u l-frodi intra-Komunitarja tal-VAT”: hekk esprimiet ruħha l-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u l-Kummissjoni kkwotat din il-frażi fir-rapport tagħha.

1.3   Il-KESE jinnota li r-reżistenza għall-bidla tħalli effetti negattivi fuq il-finanzi tal-Istati Membri u tal-UE. Huwa veru li jeżistu raġunijiet prattiċi, iżda r-raġuni fundamentali tinsab fir-rieda mhux mistqarra li jiġu protetti l-interessi partikolari, li qegħdin jegħlbu l-interess komuni.

1.4   Fuq livell prattiku, b’mod objettiv jeżistu diversi metodi biex jiġi assigurat “il-funzjonament tajjeb” tat-transazzjonijiet transkonfinali: min-naħa hemm rieda li tiġi privileġġjata l-kooperazzjoni amministrattiva ġenwina u minn naħa l-oħra teżisti t-tendenza li tingħata prijorità l-ġlieda kontra l-frodi. Għaż-żewġ aspetti, il-Kummissjoni għandha żewġ korpi konsultattivi, il-Grupp ATFS (1) u l-Kumitat SCAC (2) (ara l-punt 2.3): koalizzjoni tagħhom jew struttura konġunta u kkoordinata forsi tista’ tikkontribwixxi biex jitnaqqas il-kunflitt moħbi bejn iż-żewġ oqsma.

1.5   Iżda l-problema prinċipali tibqa’ r-reżistenza politika, li ntweriet b’mod konkret meta ġiet ikkontestata l-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri biex tivverifika li r-Regolament qiegħed jiġi implimentat tajjeb: Stat Membru ressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

1.6   Il-proposta l-ġdida tintroduċi diversi żviluppi, wisq numerużi biex jiddaħħlu f’test li jiġbor kollox fil-qosor. Se jiġu indikati biss dawk prinċipali, fosthom l-obbligu tal-Istati Membri li japplikaw ir-Regolament kollu kif inhu u skont il-perijodu stabbilit. Jekk jiġi approvat, dan it-test ser jagħti l-Kummissjoni l-poter effettivament bżonjuż li timponi s-sanzjonijiet.

1.7   It-twaqqif ta’ uffiċċju ċentrali ta’ kollegament wieħed f’kull Stat Membru għandu jħaffef u jkabbar l-effiċjenza tas-sistema ta’ kooperazzjoni. Huwa kkonfermat l-obbligu li tiġi kkomunikata l-informazzjoni fuq persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru, u l-possibbiltà li jkun hemm rifjut li titwettaq inkjesta f’isem amministrazzjoni oħra hija limitata għal ftit każijiet preċiżi. Dawn id-dispożizzjonijiet huma partikularment importanti għall-inkjesti relatati mal-bejgħ mill-bogħod. Barra minn hekk, il-KESE jqis li l-effiċjenza tagħhom tiddependi mill-adozzjoni ġeneralizzata tas-sistemi tal-informatika: għalhekk ikun għaqli li dawn isiru obbligatorji mill-2015, hekk kif jiskadi l-perijodu tranżitorju.

1.8   Diversi artikoli jipprevedu diversi proċeduri awtomatiċi: komunikazzjoni awtomatika, u fuq inizjattiva tal-Istat Membru, tal-informazzjoni utli għall-amministrazzjonijiet l-oħra, obbligu li jingħata feedback hekk kif tiġi riċevuta l-informazzjoni, aċċess awtomatiku għall-bażijiet ta’ data. Dan kollu jeħtieġ li jiġu implimentati proċeduri komuni, kompitu li l-Kummissjoni trid tindirizza mill-aktar fis possibbli.

1.9   Dispożizzjoni li tipprevedi l-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali minn Stati Membri oħra li huma kkonċernati fl-inkjesti, anke f’postijiet apparti l-uffiċċji tal-Istat ospitanti, tqajjem ċertu riżervi. Il-KESE ma jqisx li din id-dispożizzjoni hija għaqlija, minħabba r-raġuni ovvja li tiġi protetta informazzjoni kunfidenzjali u sensittiva.

1.10   It-twaqqif ta’ struttura komuni għall-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (Eurofisc) forsi jirrappreżenta l-aktar żvilupp sinjifikanti: din għandha torganizza skambji mgħaġġlin u multilaterali ta’ informazzjoni. Il-KESE jappoġġja bla riserva l-inizjattiva, iżda fl-istess ħin jiġbed l-attenzjoni għal aspett li ilu xi żmien jiddefendi: il-bżonn li jiġu stabbiliti kuntatt u kooperazzjoni mal-korpi kollha li jaħdmu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus.

2.   Rimarki preliminari

2.1   Fl-1 ta’ Jannar 2004 daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 dwar il-koperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Ir-Regolament intlaqa’ tajjeb ħafna mill-maġġoranza tal-Istati Membri, li approvaw ir-rieda tal-Kummissjoni li ttejjeb il-qafas legali għall-kooperazzjoni amministrattiva u li tipprovdi strument ta’ ġlieda kontra l-frodi  (3). Skont l-Artikolu 45, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kull tliet snin dwar l-applikazzjoni tar-Regolament. Biex tikkonforma ma’ dan l-obbligu reċentement ippreżentat ir-rapport tat-18 ta’ Ġunju 2009  (4).

2.2   Iżda, sadanittant, żdiedet is-sensibbiltà għall-problemi tal-frodi fiskali. Fir-rigward tal-VAT, fil-fatt, il-Komunikazzjoni dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa  (5) tal-31 ta’ Mejju 2006 qajjmet il-bżonn li tiġi żviluppata strateġija koordinata ta’ ġlieda, b’mod partikolari għall-“frodi karużell” (6)  (7). Komunikazzjoni segwenti (8) kienet tinkludi programm ta’ azzjoni fuq perijodu qasir.

2.3   Il-Kummissjoni issa ressqet proposta għal Regolament li jinkludi r-“riformulazzjoni”  (9) ta’ dak preċedenti. Din hija r-riżultat tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni żviluppati kemm b’mod awtonomu kif ukoll minn numru ta’ kontributi esterni: ir-rapporti tal-Istati Membri dwar il-funzjonament tar-Regolament tal-2004, it-tweġibiet tagħhom għal kwestjonarji speċifiċi, ir-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri nru 8/2007 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Settembru 2008 (2008/2033(INI)) Ma’ dawn jiżdiedu wkoll il-kontributi tal-Gruppi ta’ Esperti dwar l-istrateġija ta’ ġlieda kontra l-frodi fiskali u dak tal-Kumitat Permanenti għall-Kooperazzjoni Amministrattiva.

3.   Osservazzjonijiet ġenerali

3.1   Ir-rapport COM(2009) 428 finali msemmi hawn fuq huwa utli ħafna biex jinftiehem ir-Regolament il-ġdid: fih, il-Kummissjoni tesprimi n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tagħha għall-applikazzjoni tar-Regolament fis-seħħ, li jista’ jitqassar fid-dikjarazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ikkwotata mill-Kummissjoni stess, fejn qalet li “minkejja arranġamenti ġodda …, il-koperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-VAT għadha mhix intensiva biżżejjed sabiex tlaħħaq mal-evażjoni u l-frodi intra-Komunitarja tal-VAT …”. Il-Kummissjoni għamlet mill-aħjar li tista’ biex ittejjeb ir-regoli u biex jiġu applikati b’mod aktar faċli, iżda r-raġuni bażika tan-nuqqas ta’ progress tinsab fir-reżistenza għall-bidla ta’ xi wħud, jew forsi tal-ħafna, mill-amministrazzjoni nazzjonali. Biswit id-diffikultajiet prattiċi ta’ natura organizzativa jew teknoloġika, huwa inutli li jinħeba l-fatt li r-rieda li jkun hemm kooperazzjoni sħiħa għadha ssib anke llum ostaklu ieħor fil-protezzjoni tal-interessi, veri jew preżunti. Fl-ebda qasam ieħor mhu daqshekk diffiċli li tidħol l-idea Ewropea daqs f’dak fiskali.

3.2   Kooperazzjoni amministrattiva tajba hija l-kundizzjoni fundamentali sabiex t-transazzjonijiet transkonfinali jaħdmu tajjeb u dan ċertament huwa fl-interess tal-amministrazzjonijiet nazzjonali u taċ-ċittadini. Iżda l-kunċett ta’ “tħaddim tajjeb” jimplika li dawn it-transazzjonijiet jirrispettaw ir-regoli fiskali meta jitwettqu. Iż-żewġ kunċetti huma marbutin flimkien: il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi huma parti sħiħa li ma tinqasamx. Il-Kummissjoni qed tittraduċi dan il-kunċett fil-prattika billi tipproponi l-ħolqien ta’ struttura komuni (Eurofisc).

3.3   Il-Kummissjoni għandha żewġ korpi konsultattivi, li jassiguraw il-kontibut ta’ esperti fl-ogħla livell: il-Grupp ATFS u l-Kumitat SCAC (ara l-punt 2.3): l-għaqda f’korp wieħed (jew il-ħolqien ta’ żewg gruppi kkoordinati minn struttura waħda li tieħu d-deċiżjonijiet) tista’ tgħin li jitnaqqas “il-kunflitt ta’ interess” moħbi bejn iż-żewġ oqsma, amministrattiv u fiskali. Ir-regoli biex tiġi miġġielda l-frodi fiskali mhux dejjem jidħlu b’mod sħiħ f’semplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi, u viċi versa. Ir-reżistenza għall-bidla hija sa ċertu punt marbuta mal-ħtiġijiet differenti marbutin mal-istess problema.

3.4   Madankollu jidher li l-akbar problemi huma politiċi: fir-rapport imsemmi fil-punt 2.1 hemm indikat li wara t-tweġibiet mogħtija fil-kwestjonarji (ara l-punt 2.3), il-Kummissjoni tat l-opportunità lill-Istati Membri “biex jiskambjaw l-opinjonijiet dwar il-funzjoni tal-kooperazzjoni amministrattiva”. Iżda l-fatt li “żewġ Stati Membri biss urew interess li jkun hemm diskussjoni miftuħa (…) mal-Kummissjoni” huwa inkwetanti. Ma’ dan jiżdied żvilupp sinjifikanti: Stat Membru saħansitra qajjem kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Awdituri hix kompetenti biex tivverifika l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u attwalment, dan il-każ jinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-fatti jitkellmu waħedhom u ma tantx iħallu lok għal ottimiżmu fil-futur.

3.5   Aspett politiku ieħor huwa dwar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet fiskali u dawk li jittrattaw il-ħasil tal-flus li ġejjin minn attivitajiet ta’ kriminalità organizzata u terroriżmu: il-KESE ilu jisħaq fuq il-importanza ta’ dan, iżda s’issa ma tantx sab qbil (10).

4.   Osservazzjonijiet speċifiċi

L-aktar modifiki importanti li saru mir-Regolament il-ġdid jikkonċernaw ir-responsabbiltajiet akbar tal-Istati Membri fir-rigward tal-kooperazzjoni, kemm tkun preċiża l-informazzjoni li tinġabar u li titwassal, u d-delimitazzjoni tad-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni. Jiġu stabbiliti wkoll il-prinċipji ta’ qafas regolatorju dwar il-kwalità tal-informazzjoni u jiġu ppreċiżati r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri sabiex jipprovdu informazzjoni korretta u f’waqtha. Fl-aħħar, tinħoloq il-bażi legali ta’ struttura ta’ kooperazzjoni amministrattiva maħluqa bl-għan li tiġġieled il-frodi (Eurofisc).

4.1.1   Il-KESE juri l-apprezzament u l-appoġġ tiegħu għall-Kummissjoni: fil-fatt ir-Regolament jirrappreżenta pass deċiżiv ’il quddiem biex dan il-qasam jiġi rregolat. Hekk kif jiġu implimentati r-regoli, jekk l-Istati Membri jixtiequ, ser ikun hemm titjib fl-organizzazzjoni tal-finanzi pubbliċi kemm mil-lat tas-semplifikazzjoni tal-proċeduri kif ukoll mil-lat tal-ġlieda kontra l-frodi.

4.2   Il-KESE joffri hawn taħt xi kummenti dwar il-proposti innovattivi prinċipali introdotti mir-Regolament il-ġdid: minn naħa, dawn il-kummenti ġejjin minn rieda ta’ kooperazzjoni, iżda min-naħa l-oħra dawn huma r-riżultat ta’ valutazzjoni oġġettiva tal-problemi li qegħdin ikomplu jostakolaw kooperazzjoni amministrattiva tajba.

L-Artikolu 1(1) jintroduċi espliċitament il-fatt li fost l-għanijiet prinċipali tar-Regolament riformulat hemm li “tiġi miġġielda l-frodi fil-konfront tal-VAT”. L-Artikolu 1(2) jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li jridu jiġu osservati mill-Istati Membri biex iwettqu l-obbligu tagħhom li “jiżguraw il-ħarsien tad-dħul mill-VAT tal-Istati Membri kollha”. It-test tar-Regolament li huwa fis-seħħ bħalissa huwa aktar moderat u anqas preċiż: fil-fatt huwa limitat li jistabbilixxi“regoli u proċeduri għall-iskambju ta’ ċerta informazzjoni”.

4.3.1   Dan huwa żvilupp sinjifikanti: l-obbligu li tittieħed azzjoni biex ikun hemm kooperazzjoni jfisser li l-Istati Membri jridu japplikaw ir-Regolament kollu kif inhu u skont il-perijodu stabbilit. Il-KESE ma jistax ma jaqbilx, iżda jitfa’ dubju dwar jekk fil-verità l-Istati Membri jistgħux, jew iridux, jadattaw għar-regoli l-ġodda, minħabba d-dewmien u l-eċċezzjonijiet li hemm fir-Regolament eżistenti. Barra minn hekk, in-natura vinkolanti tar-regoli timplika li l-Kummissjoni għandha l-poter li timponi sanzjonijiet, u li l-Qorti tal-Awdituri għandha l-poter li twettaq verifika dwar l-implimentazzjoni korretta tagħhom: mhux kulħadd jaqbel ma’ dan. Fir-rapport imsemmi fil-punt 2.1, il-Kummissjoni fil-fatt tinnota l-każ tal-Ġermanja, li kkontestat proċedura ta’ ksur ta’ liġi u l-kompetenza tal-Qorti tal-Awdituri li twettaq verifika. Id-deċiżjoni li ser tieħu l-Qorti tal-Ġustizza dwar il-każ li jinsab quddiemha bħalissa ser ikollu effett kruċjali fuq il-futur tal-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT.

4.3.2   Il-formulazzjoni l-ġdida tal-Artikolu għalhekk t/juri li anke fil-qasam fiskali jeżistu tendenzi differenti fil-politika Ewropea: l-interpretazzjoni tat-Trattati skont lentijiet differenti ta’ spiss twassal lill-Kummissjoni biex tiddefendi l-kompetenzi u l-poteri, u lill-Istati Membri biex iżommu l-prerogattivi nazzjonali tagħhom. Il-KESE ma jħossx li għandu jieħu pożizzjoni, iżda jillimita ruħu li jesprimi x-xewqa li mill-approvazzjoni tat-Trattat il-ġdid tinbet Ewropa ġdida karatterizzata minn Stati Membri li jaderixxu bi sħiħ għall-prinċipji li jinsabu fih.

4.4   L-Artikolu 4 jobbliga lil kull Stat Membru biex joħloq uffiċċju ċentrali ta’ kollegament wieħed responsabbli mill-kuntatti ma’ Stati Membri oħra. Il-KESE huwa sodisfatt b’din id-deċiżjoni iżda jfakkar li l-funzjonament tajjeb ta’ uffiċċju ċentrali jiddependi mill-effiċjenza tal-istrutturi relatati nazzjonali: kondizzjoni li attwalment ma tidhirx li qegħda tiġi rrispettata kullimkien.

L-Artikolu 7 (l-Artikolu 5 preċedenti) jikkonferma l-obbligu ta’ Stat Membru li jikkomunika informazzjoni dwar persuna taxxabbli stabbilita fit-territorju tiegħu, meta din tintalab minn Stat Membru ieħor. F’xi każijiet speċifiċi (11), l-awtorità rikjesta tista’ tirrifjuta li twettaq inkjesta, iżda biss fil-każ li tkun diġà pprovdiet l-informazzjoni lill-awtorità rikjedenti inqas minn sentejn qabel; iżda xorta għandha l-obbligu li tipprovdi d-dettalji tat-transazzjonijiet li saru mill-persuna taxxabbli fl-aħħar sentejn.

4.5.1   Ir-regoli l-ġodda għandhom importanza partikolari għall-bejgħ mill-bogħod u huma ispirati minn politika korretta ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Madankollu, anke fil-forma preżenti tagħhom, dawn mhumiex totalment implimentati, speċjalment minħabba n-nuqqas eżistenti fl-istruttura tal-informatika. Għalhekk il-KESE jqis għaqli li jiġi estiż il-perijodu tranżitorju previst mid-dispożizzjonijiet l-oħra għal dawn ir-regoli, u dawn isiru obbligu mill-2015, hekk kif jidħol fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 143/2008 (12).

4.6   L-Artikolu 15 jiċċara s-sinjifikat ta’ “skambju awtomatiku” tal-informazzjoni, frażi li diġà tinsab fl-Artikolu 17 tar-Regolament eżistenti: kull Stat Membru għandu jikkomunika awtomatikament, u fuq inizjattiva tiegħu, l-informazzjoni li tista’ tkun utli għal Stat Membru ieħor biex jipproteġi d-dħul fiskali tiegħu. Din il-kjarifika hija sinjifikanti: jekk u meta jiġi applikat b’mod sistematiku, il-bgħit spontanju ta’ informazzjoni li tinteressa l-amministrazzjonijiet l-oħra ser ikun il-prova li l-kunċett ta’ kooperazzjoni amministrattiva nftiehem totalment.

4.7   L-Artikolu 17 huwa marbut mal-Artikolu 15 fis-sens li jistabbilixxi li l-awtoritajiet li ser jirċievu l-informazzjoni jridu jagħtu feedback lill-awtoritajiet li pprovdewhielhom: fil-fatt il-kooperazzjoni ma tillimitax ruħha għall-għoti tal-informazzjoni iżda wkoll li żżomm informati lill-partijiet li pprovdew l-informazzjoni bir-riżultati tal-azzjonijiet li seħħew.

4.8   L-Artikolu 18 (l-Artikolu 22 preċedenti) jispeċifika l-informazzjoni li kull Stat Membru jrid idaħħal fil-bażi tad-data tiegħu. Il-KESE jqis li dawn id-dispożizzjonijiet ser ikollhom benefiċċju doppju: minn naħa ser jikkontribwixxu biex itejbu t-tħaddim tas-sistema tal-informazzjoni VIES (13), u min-naħa l-oħra ser jiġbdu l-attenzjoni tal-Istati Membri fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-allokazzjoni, il-varjazzjoni u l-kanċellazzjoni tan-numru tal-VAT; l-importanza ta’ applikazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet relatati tidher mill-fatt li l-maġġoranza tal-frodi tikkonċerna n-numerazzjoni tal-VAT. L-utenti wkoll ser jibbenefikaw minn dan, speċjalment permezz tal-innovazzjonijiet fir-rigward tal-istandards minimi għall-bażijiet tad-data introdotti mill-Artikoli 23 u 24 suċċessivament.

4.9   L-Artikolu 22 joħloq xi tħassib, liema Artikolu jeħtieġ li kull Stat Membru għandu jagħti aċċess awtomatizzat għall-bażijiet tad-data lill-awtoritajiet ta’ kull Stat Membru ieħor. Il-KESE jinnota li, anke bi qbil minn qabel tal-awtorità rikjesta  (14), aċċess dirett ser joħloq problemi biex tinftiehem il-lingwa u għall-intepretazzjoni u l-użu korretti tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni stess tagħraf il-problema: it-23 “premessa” fil-fatt tinnota li “jeħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri komuni bil-għan li tiġi żgurata l-komparabbiltà … tagħha” u dan l-istess kunċett, f’kuntest ieħor, huwa ripetut fil-“premessa” nru 27. Il-KESE jikkunsidra li r-regola dwar l-aċċess awtomatizzat għandha tiġi posposta għal data futura, meta l-proċeduri komuni, amministrattivi u elettroniċi jkunu ġew adottati mill-Istati Membri kollha.

L-Artikolu 29, li jikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ uffiċjali tal-Istati Membri kkonċernati mill-inkjesti amministrattivi, fil-fatt jistabbilixxi fl-ewwel paragrafu li dawn l-uffiċjali jistgħu jkunu preżenti mhux biss fl-uffiċċji iżda wkollfi kwalunkwe post ieħor” (fil-prattika, fl-uffiċċju tal-persuni taxxabbli li qegħdin jiġu investigati). Sadattant, Artikolu 29(2) minn naħa jħassar ir-regola skont liema l-Istat Membru rikjest jista’ jistabbilixxi l-arranġamenti ta’ parteċipazzjoni fl-inkjesti tal-uffiċjali tal-Istat Membru rikjedenti, u min-naħa l-oħra jikkonferma li l-uffiċjali tal-Istati Membru rikjedenti, minkejja li ma jistgħux jeżerċitaw “il-poteri ta’ kontroll mogħtija lill-uffiċjali tal-awtorità rikjesta … jistgħu jkollhom aċċess għall-istess bini u għall-istess dokumenti bħal dawn tal-aħħar …”.

4.10.1   Dan is-set ta’ poteri u ta’ prerogattivi jidher li la hu prudenti u lanqas ġustifikat. Il-KESE jitlob li r-regola għandha tkun riveduta u tifforma parti minn diskussjoni aktar matura. Il-preżenza ta’ uffiċjal ta’ Stat Membru ieħor fl-uffiċċji ta’ persuna taxxabbli tista’ twassal għall-iżvelar ta’ “sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta’ informazzjoni li l-kxif tagħha jmur kontra l-politika pubblika”. Din l-aħħar frażi tinsab kelma b’kelma fl-Artikolu 56(4), li jistabbilixxi l-każi li fihom tista’ tiġi rifjutata l-informazzjoni. Aktar minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat li din l-informazzjoni tiġi żvelata lil uffiċjal ta’ Stat Membru ieħor minħabba l-preżenza tiegħu fl-uffiċċji tal-persuna taxxabbli.

L-Artikoli 34 sa 39 jikkonċernaw żvilupp ġdid: it-twaqqif ta’ struttura komuni għall-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tal-VAT. Din l-istruttura, li fir-rapport (15) tissejjaħ “Eurofisc”, għandha l-kompitu fundamentali li torganizza skambji mgħaġġlin u multilaterali ta’ informazzjoni, bil-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni utli fil-qafas tal-kooperazzjoni amministrattiva. Id-diversi Artikoli jkopru d-diversi aspetti ta’ tħaddim tal-korp il-ġdid. Madankollu għadu mhux ċar jekk din hix ser tkun struttura ċentralizzata jew deċentralizzata.

4.11.1   Il-KESE jilqa’ bi pjaċir it-twaqqif ta’ korp li jiċċentralizza u jqassam l-informazzjoni. Iżda hekk kif jibda jaħdem dan il-korp ser ikun hemm bżonn li jiġu riveduti ċerti partijiet tar-Regolament sabiex ikunu jaqblu jew jiġu adatti għas-sistema attwali ta’ kooperazzjoni bilaterali.

4.11.2   Barra minn hekk jeżisti aspett ieħor, li huwa marbut mat-twaqqif ta’ Eurofisc iżda li mhu msemmi mkien fir-Regolament jew fil-memorandum ta’ spjegazzjoni: ir-rabta u l-kooperazzjoni mal-korpi kollha li jaħdmu fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus. F’ħafna każijiet, u għallinqas f’dawk l-aktar gravi, l-evażjoni tal-VAT mhux reat iżolat iżda huwa marbut mal-kuntrabandu ta’ oġġetti foloz, it-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-armi u kull xorta ta’ attività li titwettaq u hija kkontrollat mill-kriminalità organizata u mit-terroriżmu. La fir-regoli u lanqas fil-fatti ma teżisti kooperazzjoni strutturata bejn il-korpi li jittrattaw id-diversi aspetti tal-istess fenomenu jew tad-diversi fenomeni li jaqgħu taħt l-istess organizzazzjonijiet: dan iwassal għal sforzi doppji, ineffiċjenza u ta’ sikwit kunflitti ta’ kompetenza.

4.11.3   Dwar l-aspetti li jikkonċernaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali u l-awtoritajiet tal-pulizija kontra l-kriminalità u t-terrriżmu, il-KESE ħareġ opinjoni dettaljata dwar il-governanza fiskali tajba (16). Fil-qosor ħafna, il-problema ddur fuq il-bżonn ta’ koordinazzjoni aħjar bejn id-direttivi fiskali u dawk relatati mal-ħasil tal-flus. Mhux aċċettabbli li jeżistu korpi differenti b’għanijiet ugwali jew relatati – awtoritajiet dwar it-taxxa diretta u indiretta, dwana, pulizija, servizzi sigriet – iżda li m’għandhomx kollegamenti jew ftehimiet ta’ kooperazzjoni.

4.11.4   Il-KESE huwa konxju tal-problemi prattiċi u amministrattivi li huma implikati minn soluzzjoni bħal din, u miż-żmien twil li hemm bżonn biex titqiegħed fil-prattika, iżda jfakkar li l-akbar ostaklu żgur huwa r-rieda politika tal-Istati Membri: rieda li bħalissa ma teżistix. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tipprovdi stimolu, u tinkludi l-kooperazzjoni amministrattiva fost il-korpi investigattivi fil-pjanijiet tagħha fuq il-perijodu medju u dak fit-tul.

4.12   Il-proposta għal Regolament ma ssemmix id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u ssemmi biss li ser jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali. Madankollu, l-Artikolu 45 jistabbilixxi li numru ta’ proċeduri bbażati fuq il-kooperazzjoni elettronika ser jiġu applikatti mill-1 ta’ Jannar 2015. Din id-data tidher realistika, sakemm l-Istati Membri kollha jixtiequ, u jistgħu, jirrispettawha.

4.13   L-Artikolu 51 jeħtieġ li kull Stat Membru jwettaq verifika (interna) tat-tħaddim tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni: bla dubju din hija miżura neċessarja, forsi suġġerita mill-esperjenza miksuba mill-verifika esterna (ara l-punti 3.4 u 4.3.1), li fuqha għandha tittieħed deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, l-KESE huwa dubjuż dwar l-effikaċja prattika ta’ miżura li titlob li l-Istati Membri jkunu responsabbli mill-kontrolli tagħhom infushom.

4.14   L-Artikolu 56 (l-Artikolu 40 preċedenti) jibqa’ l-istess. Dan jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li ma tiġix pprovduta l-informazzjoni u ma jitwettqux l-inkjesti meta l-liġijiet tagħhom ma jippermettux dan jew jekk dan iwassal li jiġi żvelat sigriet industrijali jew professjonali. Iżda hemm ukoll paragrafu li jippreċiża li din il-possibbiltà ma teżistix għall-każijiet protetti mis-sigriet bankarju. Il-kwistjoni għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest aktar wiesa’ tat-tneħħija tas-sigriet bankarju u tar-regoli dwar il-ħasil tal-flus. Madankollu jibqa’ dubju dwar jekk l-informazzjoni miżmuma minn persuna li taġixxi bħala “aġent jew f’kapaċità fiduċjarja” hix inkluża fis-sigriet bankarju jew is-sigriet professjonali. Il-KESE jaħseb li hemm bżonn ta’ kjarifika.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Anti Tax Fraud Strategy Expert Group.

(2)  Standing Committee on Administrative Cooperation.

(3)  Ir-Regolament kien is-suġġett ta’ Opinjoni tal-KESE (ĠU C 267, 27.10.2005, p. 45).

(4)  COM(2009) 428 finali – F’dan id-dokument tal-KESE m’hemmx kummenti espliċiti dwar dan ir-rapport. Barra minn hekk, l-informazzjoni u l-opinjonijiet li jingħataw mill-Kummissjoni huma għodda prezzjuża biex jinftiehem is-sinjifikat tal-miżuri proposti fir-Regolament il-ġdid.

(5)  COM(2006) 254 finali.

(6)  F’ċerti każi dan żviluppa fi Frodi Intra-Komunitarja b’Negozjant Nieqes, COM(2009) 511 finali, p.3

(7)  Il-KESE kkumenta wkoll dawn din il-Komunikazzjoni fl-Opinjoni tiegħu dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa”, ĠU C 161, 13.7.2007, p. 8.

(8)  COM(2008) 807 finali.

(9)  COM(2009) 427 finali.

(10)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar Il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa.

(11)  Il-każijiet fejn it-talba tista’ tiġi rifjutata jinsabu fl-Anness (ġdid) tar-Regolament), u jittrattaw numru ta’ servizzi, fosthom il-bejgħ mill-bogħod, is-servizzi marbuta ma’ proprjetà immobbli u mobbli tanġibbli, l-attivitajiet anċillari għat-trasport u is-servizzi ta' telekommunikazzjoni, xandir bir-radju u televiżjoni.

(12)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 143/2008, 12.2.2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1798/2003 dwar l-introduzzjoni ta’ arranġamenti amministrattivi ta’ koperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw il-post tal-forniment ta’ servizzi, l-iskemi speċjali u l-proċedura ta’ rifużjoni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 44, 20.2.2008. p. 1).

(13)  VIES: VAT Information Exchange System (Sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tal-VAT).

(14)  L-Artikolu 7 jipprovdi li “fuq talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika l-informazzjoni …”.

(15)  COM(2009) 428 finali, punt 2.1.

(16)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-kwestjonijiet tat-taxxa, COM(2009) 201 finali.


18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/79


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat”

COM(2009) 491 finali – 2009/0132 (COD)

(2010/C 347/12)

Relatur Ġenerali: is-Sur GRASSO

Nhar l-14 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/71/KE dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u 2004/109/KE dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat

COM(2009) 491 finali – 2009/0132 (COD).

Nhar it-3 ta’ Novembru 2009, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu tas-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tat-18 ta’ Frar 2010), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’156 vot favur, vot 1 kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-għan tal-Proposta għal Direttiva huwa li fil-leġiżlazzjoni Komunitarja attwali jiddaħħlu żewġ prinċipji li l-KESE essenzjalment jappoġġja: a) il-kwalità tal-informazzjoni tinfluwenza ħafna l-kapaċità effettiva biex jiġu appoġġjati l-għażliet ta’ investiment li jsiru mill-operaturi, b’mod partikolari l-investituri individwali; b) tista’ ssir amministrazzjoni iktar kost-effettiva fil-ġestjoni tal-informazzjoni billi titneħħa d-duplikazzjoni tal-informazzjoni, u b’hekk jitneħħew l-ispejjeż biex tinħareġ din l-informazzjoni.

1.2   L-applikazzjoni prattika ta’ dawn iż-żewġ prinċipji ġġib magħha problemi ġenwini billi l-kejl tal-kwalità fih innifsu diġà huwa diffiċli, u saħansitra iktar diffiċli fil-każ tal-kwalità tal-informazzjoni. Barra minn hekk, għandu jitqies li l-mekkaniżmi speċifiċi għat-tqassim tal-informazzjoni fis-swieq finanzjarji (li nistgħu niddeffinixxu bħala “effett ta’ osmosis”) u l-effetti trasversali li dawn jiġġeneraw fost id-diversi partijiet ekonomiċi b’interess fl-investiment (“l-effett ta’ sinjal”), jiġġeneraw diskrepanzi, li jistgħu jkunu konsiderevoli, bejn l-ispejjeż biex tinħareġ l-informazzjoni u l-benefiċċji (li jistgħu jkunu ekonomiċi) li jistgħu jinkisbu minnha.

1.3   Għalhekk, il-problemi tal-kwalità u tal-kost-effettività tal-informazzjoni għandhom jiġu indirizzati flimkien, filwaqt li jitqies li l-aħjar inċentiv għall-emittenti tat-titoli biex joħorġu informazzjoni ta’ kwalità tajba huwa li jkunu jistgħu jantiċipaw benefiċċji finanzjarji li jkunu tal-inqas daqs l-ispejjeż li jinġarbu biex tinħareġ l-informazzjoni. Il-valutazzjoni tal-kost-effettività tal-informazzjoni għandha ssir fid-dawl tal-fatt li jekk l-informazzjoni tkun trasparenti, l-ispiża tal-ġbir tal-kapital tonqos; iżda, jekk l-informazzjoni ma tkunx trasparenti, l-ispiża tal-ġbir togħla (“il-primjum marbut mar-riskju tal-informazzjoni”). Għalhekk, il-KESE jitlob li tinstab soluzzjoni għall-asimetrija tal-informazzjoni sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġbir tal-kapital u b’hekk jitnaqqas il-primjum marbut mar-riskju tal-informazzjoni, u bis-saħħa t’hekk tiżdied il-kompetittività fil-ġbir tal-kapital fost l-intrapriżi Ewropej.

1.4   Parti sostanzjali (madwar tliet kwarti) tad-diskrepanza bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-informazzjoni tiddependi mill-mekkaniżmi strutturali li jintużaw mill-operaturi fis-suq biex ixerrdu l-informazzjoni, filwaqt li parti żgħira biss (madwar kwart) tiddependi mill-informazzjoni li ma tinħariġx mill-emittent. Il-Proposta għal Direttiva tressaq soluzzjonijiet biex titnaqqas l-ewwel waħda minn fost dawn iż-żewġ partijiet tar-riskju marbut mal-informazzjoni, u għaldaqstant, għandha titqies b’mod pożittiv. Il-KESE jenfasizza biss il-bżonn li l-iffrankar konsiderevoli tal-ispejjeż li għandu jirriżulta m’għandux ikun ta’ ħsara għall-kwalità tal-informazzjoni li tinħareġ, għaliex inkella l-inizjattiva tkun kontraproduttiva.

1.5   Il-proposta tqajjem ukoll aspett tal-problema li ma jiġix riżolt. Il-ħtieġa li l-informazzjoni tkun disponibbli għall-investituri mhux esperti tmur kontra l-ħtieġa li jingħataw il-fatti kollha meħtieġa għall-għażla tal-investimenti, għax dan inevitabbilment ifisser li jridu jintużaw dettalji tekniċi. Fil-fehma tal-KESE, waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun il-ħolqien ta’ suq ta’ “intermedjarji tal-informazzjoni”, li jkun separat minn dak tal-intermedjarji iktar konvenzjonali tal-kapital u tar-riskju (normalment dawn jinkludu: il-banek, il-kumpaniji tal-amministrazzjoni, l-intermedjarji speċjalizzati fid-derivattivi, eċċ.) Fid-dawl tal-esperjenza ta’ pajjiżi u sitwazzjonijiet oħrajn, il-KESE jissuġġerixxi li jiġu stabbiliti strutturi legali speċifiċi ta’ delega (simili għall-proxy voting, anke fl-istadji tat-tnedija u flimkien mal-proposti fid-dokument li qed jiġi diskuss f’din l-opinjoni) u li jiġu rikonoxxuti l-professjonisti fil-qasam tal-informazzjoni finanzjarja (bħall-family office).

2.   L-iżvilupp tar-regolamentazzjoni u r-rilevanza tal-kwistjoni

2.1   Il-Kummissjoni Ewropea tagħti ħafna importanza lill-kwistjoni tat-trasparenza tal-informazzjoni fis-swieq finanzjarji. Dan jintwera mill-produzzjoni kontinwa ta’ regoli ġodda. Fil-fatt, il-proposta mressqa fid-dokument COM(2000) 126 fetħet it-triq għal għaxar snin ta’ ħidma biex tiġi żgurata leġiżlazzjoni ċara u trasparenti fi ħdan l-Unjoni dwar il-kodifikazzjoni tal-proċess ta’ ammissjoni tat-titoli għall-kwotazzjoni uffiċjali u l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata. Permezz tal-Proposta għal Direttiva diskussa f’din l-opinjoni, dan il-proċess issa wasal fi stadju ġdid, li għandu l-għan li tittejjeb l-implimentazzjoni tar-regoli marbuta mat-trasparenza tal-informazzjoni billi jitnaqqsu u jiġu ssemplifikati ċerti aspetti tal-pubblikazzjoni tal-prospetti.

Tul l-għaxar snin bejn l-2000 u l-2010, l-enfasi tar-regolamentazzjoni Komunitarja tbiddlet gradwalment.

2.2.1   Id-Direttiva 2001/34 iffokat l-ewwel u qabel kollox fuq il-kwantità ta’ informazzjoni li l-emittenti tat-titoli kienu obbligati jagħtu lill-investituri, skont l-ipoteżi li l-effiċjenza tal-assenjazzjoni tas-swieq finanzjarji hija marbuta direttament ma’ din il-kwantità. B’mod ġenerali, il-KESE appoġġja dan l-approċċ fl-opinjoni tiegħu adottata fid-29 ta’ Novembru 2000 (relatur: is-Sur Lehnhoff, 112-il vot favur, l-ebda vot kontra u l-ebda astensjoni), u ġibed l-attenzjoni biss għall-ħtieġa tas-sempliċità u ċ-ċarezza fl-għoti tal-informazzjoni lill-investituri.

2.2.2   Fl-2003, l-interess dar għall-użu tal-informazzjoni min-naħa tal-operaturi, b’interventi leġiżlattivi li ssupplimentaw it-test oriġinali tad-Direttiva 2001/34. Id-Direttiva 2003/6 rregolat l-hekk imsejjaħ insider dealing, b’mod partikolari dak li jista’ jwassal għall-manipulazzjoni tal-bilanċ tas-swieq finanzjarji, u li b’hekk iwassal biex inaqqas il-fiduċja tal-konsumaturi. Madankollu, ta’ min jenfasizza li din id-direttiva tirreferi għall-emittenti u għall-awtoritajiet superviżorji u ma tantx tagħti attenzjoni lill-impatt fuq l-imġiba tal-investituri meta jużaw din l-informazzjoni. B’konformità ma’ dan l-approċċ, anke d-Direttiva 2003/71 stabbilixxiet il-kriterji għall-abbozzar tal-prospett li jrid jiġi ppubblikat f’każ ta’ offerta pubblika ta’ titoli jew l-ammissjoni tagħhom għall-kummerċ.

2.2.3   Id-Direttiva 2004/109 temenda t-test tad-Direttiva 2001/34 u tiffoka fuq l-arranġamenti tekniċi marbuta mal-iżvelar tal-informazzjoni lill-investituri mill-emittenti li t-titoli tagħhom ikunu ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, bil-għan li s-swieq finanzjarji Ewropej u s-servizzi finanzjarji li joperaw fi ħdanhom jiġu armonizzati u integrati. Fl-opinjoni tal-KESE li ħarġet qabel din id-direttiva, u li ġiet adottata fl-10 ta’ Diċembru 2003, (relatur: is-Sur Simon, 110 voti favur, astensjoni waħda), il-Kumitat laqa’ l-proposti tekniċi ta’ dan it-test u ġibed l-attenzjoni biss għall-possibbiltà li skemi riġidi wisq jistgħu jżidu b’mod sproporzjonat l-ispiża tal-produzzjoni tal-informazzjoni obbligatorja, u b’hekk iwasslu għall-ħolqien ta’ deterrent ekonomiku sostanzjali għat-trasparenza sħiħa tal-informazzjoni, l-iktar għall-emittenti ż-żgħar.

2.2.4   Madankollu, fl-2005, l-integrazzjoni tal-leġiżlazzjoni ffokat fuq is-suġġett tal-hekk imsejħa regolaturi tal-informazzjoni fis-swieq, permezz ta’ miżuri għall-ħolqien ta’ kumitati fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. L-iskop kien li l-leġiżlaturi u r-regolaturi Ewropej ikunu jistgħu jirreaġixxu b’aktar effikaċja u rapidità għall-iżviluppi fis-swieq finanzjarji (b'mod partikolari dawk xprunati mit-tibdil teknoloġiku). Fil-31 ta’ Marzu 2004, il-KESE ħareġ opinjoni favur din l-inizjattiva tal-Kummissjoni (relatur: is-Sinjura Fusco, 95 vot favur, 2 astensjonijiet).

2.3   Din il-Proposta għal Direttiva għandha l-għan prinċipali li ttejjeb l-implimentazzjoni tad-Direttivi 2003/71 u 2004/109, billi tissemplifika xi aspetti tal-proċessi sabiex l-informazzjoni finanzjarja tkun iżjed kompatibbli mal-ħtiġijiet tal-hekk imsejħa investituri individwali u biex tiżdied l-effiċjenza u l-kompetittività internazzjonali tal-emittenti stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, għall-kuntrarju tal-interventi li saru s'issa, din il-Proposta għal Direttiva tiffoka fuq il-kwalità tal-informazzjoni finanzjarja.

2.4   Il-KESE huwa tal-fehma li l-produzzjoni ta’ “kwantità kbira” ta’ informazzjoni ma tfissirx bilfors li tkun ta’ “kwalità tajba”. Dan joħloq ukoll problemi rigward il-kost-effettività tal-informazzjoni, fid-dawl tal-premessa li l-ispejjeż tal-informazzjoni finanzjarja huma iktar marbuta mal-kwantità tal-prospetti ta’ informazzjoni li se jinħarġu milli mal-kwalità tal-kontenut tagħhom. Din il-Proposta għal Direttiva tista’ twassal għall-iffrankar ta’ iktar minn EUR 300 miljun fis-sena, peress li tindirizza għadd ta’ mekkaniżmi li jidduplikaw id-diversi stadji tal-proċessi tat-tqassim tal-informazzjoni.

2.5   Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti swieq li jkunu jistgħu jipprovdu bilanċ tajjeb bejn il-kwantità u l-kwalità tal-informazzjoni bi spejjeż sostenibbli għall-investituri hija kwistjoni li tqajjem ħafna interess. Studji empiriċi reċenti li saru mill-Università Ca' Foscari ta’ Venezia wrew kif ir-riskju ta’ informazzjoni ħażina (l-hekk imsejjaħ riskju marbut mal-iżvelar tal-informazzjoni) ikkontribwixxa għal 37 % tal-volatilità tas-swieq tal-ishma Ewropej fl-aħħar 15-il sena, mingħajr differenza sostanzjali bejn id-diversi setturi. L-istess studji juru li, b’mod sorprendenti, iktar minn tliet kwarti tar-riskju tal-informazzjoni jinbet mill-mekkaniżmi tat-tqassim tal-informazzjoni disponibbli fost l-operaturi tas-suq, filwaqt li l-kwart li jifdal biss jinbet minn distorsjoni fil-proċessi tal-iżvelar tal-informazzjoni min-naħa tal-emittenti. Din l-evidenza hija parti intrinsika tan-natura ekonomika tal-informazzjoni finanzjarja, li hija kkaratterizzata minn spejjeż għolja ta’ produzzjoni flimkien ma’ prezzijiet baxxi ta’ trasmissjoni lil partijiet terzi, konsegwenza diretta tan-nuqqas tad-drittijiet tal-esklużività reċiproka fil-mod kif tintuża l-informazzjoni. Dan huwa fenomenu li fih innifsu jgħin biex inaqqas il-kwalità tal-informazzjoni u tal-mekkaniżmi tat-tqassim tagħha filwaqt li jżid il-kwantità ta’ informazzjoni, ħafna drabi duplikata.

2.6   Għalhekk, il-KESE jilqa’ kull intervent li jirregola l-proċessi ekonomiċi marbuta mal-produzzjoni u t-tqassim tal-informazzjoni, sakemm dan ikun jista’ jikkontribwixxi b’mod effettiv għat-titjib fil-kwalità tal-informazzjoni disponibbli fis-swieq finanzjarji. B’hekk, il-proċess tal-għażla tal-investimenti għall-investituri jiġi ffaċilitat, u b’dan il-mod titnaqqas ukoll l-ispiża tal-ġbir tal-kapital min-naħa tal-emittenti tat-titoli għall-ammissjoni għall-kummerċ.

3.   Il-punti prinċipali tal-Proposta għal Direttiva

3.1   Il-Proposta għal Direttiva hija magħmula minn ħames artikoli, li l-ewwel tnejn minnhom jimmodifikaw it-test tad-Direttiva 2003/71/KE (Artikolu 1 tal-proposta, bidliet iktar sostanzjali) u d-Direttiva 2004/109/KE (Artikolu 2 tal-proposta, bidliet inqas sostanzjali). It-tliet artikoli l-oħra jsostnu l-proposta inġenerali peress li jirregolaw it-traspożizzjoni (Artikolu 3), id-dħul fis-seħħ (Artikolu 4) u d-destinatarji (Artikolu 5).

3.2   Analiżi u osservazzjonijiet dwar il-kontenut tal-Artikolu 1 ta’ din il-proposta marbuta mad-Direttiva 2003/71/KE

3.2.1   Proposta għal modifika tal-Artikolu 1(2)(h) u (j) u l-Artikolu 3(2)(e). Żieda tal-paragrafu 4 mal-Artikolu 1

3.2.1.1   It-test il-ġdid qabel kollox jispeċifika li l-limiti tal-applikabbiltà tad-direttiva jirreferu għall-investimenti li jsiru fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea. Din il-kjarifika hija utli, b’mod partikolari sabiex jiġu evitati l-manuvri elużivi permezz tal-frammentazzjoni ta’ transazzjoni waħda mill-perspettiva ekonomika f’ħafna transazzjonijiet li jkunu indipendenti mill-perspettiva legali u li japplikaw f’kuntesti legali differenti. Il-KESE jenfasizza li din il-kjarifika hija meħtieġa wkoll sabiex tiġi evitata kull distorsjoni fit-tqassim tal-informazzjoni fid-diversi kuntesti territorjali u ż-żieda fl-ispejjeż li tista’ tinħoloq, b’impatt konsiderevoli fuq it-transazzjonijiet fuq skala żgħira.

3.2.1.2   Hemm ukoll livelli ġodda tal-limiti tal-applikazzjoni tad-Direttiva b’konformità mal-kuntest attwali tas-swieq finanzjarji. Sabiex jiġi evitat li jiskadu l-limiti, qed jiġi propost li l-Kummissjoni tingħata direttament is-setgħa li tintervjeni f’dawn il-każijiet biex tadattahom għall-kondizzjonijiet attwali għall-għoti tal-informazzjoni lis-swieq finanzjarji. Il-KESE jaqbel mal-ħtieġa li jinħolqu limiti li jistgħu jiġu adattati iktar faċilment għall-kondizzjonijiet tas-suq, iżda jissuġġerixxi li l-modifiki proposti mill-Kummissjoni jkunu bbażati fuq il-proposti tal-awtoritajiet superviżjorji u regolatorji tas-swieq u l-intermedjarji finanzjarji, billi l-attività tagħhom tagħmilhom iktar adatti għall-monitoraġġ kontinwu tal-ħtiġijiet ġenwini tas-suq.

3.2.2   Proposta għal modifika tal-Artikolu 2(1)(e) u (m)(ii)

3.2.2.1   Il-proposta titlob li d-definizzjoni ta’ “investitur kwalifikat” tixbah lil dik li tidher diġà fl-hekk imsejħa Direttiva MIFID. Il-KESE huwa favur din il-proposta għax tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni tal-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea.

3.2.2.2   Il-proposta tistabbilixxi l-kriterji ta’ definizzjoni tal-ambitu territorjali fil-każ ta’ titoli mhux azzjonarji (titoli mingħajr ekwità) b’valur nominali ta’ inqas minn EUR 1 000 li jkunu ristretti għall-Istat Membru fejn tkun irreġistrata s-sede tal-emittent jew inkella f’dak l-Istat Membru fejn it-titoli jkunu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat jew fi Stati Membri fejn it-titoli jkunu offruti għall-pubbliku. Il-KESE jaqbel mal-ħsieb tal-proposta li jiġu ssemplifikati l-proċeduri biex jiġu evitati l-ispejjeż eċċessivi li jinħolqu bil-produzzjoni ta’ ħafna prospetti fl-istess ħin. Fid-dawl ta’ dan, josserva li l-valur tas-suq tat-titoli tant huwa differenti mill-valur nominali tagħhom li ħafna drabi dan ikollu funzjoni purament legali sabiex jiddetermina l-livell ta’ parteċipazzjoni f'inizjattiva. B'hekk, mhux it-titoli kollha jkollhom valur nominali u xi sistemi legali jagħtu l-possibbiltà li jinħareġ titolu mingħajr l-hekk imsejjaħ “par value”, b’mod partikolari fil-każ tat-titoli mhux azzjonarji. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-proposta tissostitwixxi kull referenza għad-“denominazzjoni” b’referenza għall-“valur tas-suq” (jew il-valur tat-transazzjoni) tat-titoli li jirrappreżentaw il-kapital u b’“valur intrinsiku” (underlying value) fil-każ tat-titoli li ma jirrappreżentawx il-kapital.

3.2.3   Proposta għal modifika tal-Artikolu 3 (2)

3.2.3.1   Il-proposta tistabbilixxi l-possibbiltà li l-intermedjarji inkarigati mill-assenjazzjonijiet ikunu jistgħu jużaw il-prospett tal-informazzjoni oriġinali tal-emittent, sakemm dan jikkonforma mal-istandards Ewropej, u b’hekk jiġu evitati l-ispejjeż tal-produzzjoni ta’ dokumenti ulterjuri. Il-KESE jaqbel fil-prinċipju mal-proposta u r-raġunijiet marbuta magħha, iżda jissuġġerixxi li tiġi spjegata aħjar l-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda anke fil-każ fejn intermedjarju jkollu sede f’pajjiż terz u jagħmel assenjazzjonijiet f’pajjiż differenti minn dak tal-emittent.

3.2.3.2   Il-KESE jissuġġerixxi wkoll li l-possibbiltà li l-hekk imsejħa “kaskata fil-livell tal-konsumatur” (retail cascade) tista’ tgawdi mill-opportunitajiet diskussi fil-punt preċedenti 3.2.3.1 ma tikkontradixxix l-iskadenza rapida tal-informazzjoni finanzjarja. B’hekk jipproponi li, meta jiġi ppubblikat prospett, l-awtoritajiet superviżorji u regolatorji tas-swieq li jirreferi għalihom l-emittent (jew l-intermedjarji) jiffissaw termini ta’ skadenza ta’ validità tal-prospett. Ladarba jiskadi, il-prospett irid jiġi aġġornat jekk it-transazzjoni tal-istess prospett tkun għadha għaddejja.

3.2.4   Proposta għal modifika tal-Artikolu 4 (1)(e).

3.2.4.1   Il-proposta testendi l-eżenzjoni stabbilita fit-test li huwa fis-seħħ bħalissa għall-offerti ta’ titoli għall-impjegati tal-kumpaniji li ma jkunux ikkwotati f’suq regolat (inklużi dawk b’titoli kkwotati fi swieq barra l-UE). Din il-proposta għandha l-għan li tneħħi d-differenzi fit-trattament tad-diversi kategoriji tal-kumpaniji (ikkwotati fl-UE meta mqabbla ma’ dawk li mhumiex ikkwotati u dawk ikkwotati barra l-UE) u anke sabiex jitrażżnu l-ispejjeż marbuta mal-assenjazzjonijiet riservati għall-individwi li diġà jkunu informati dwar ir-riskju tal-investiment, billi dawn ikunu impjegati.

3.2.4.2   Il-KESE jaqbel mal-idea li jitnaqqsu l-ispejjeż, iżda jenfasizza li t-transazzjonijiet li jinvolvu titoli li jingħataw lill-impjegati fihom innifishom ifissru informazzjoni sinifikanti għall-investituri li jkunu qed joperaw fl-hekk imsejjaħ suq sekondarju, b’mod partikolari meta jiġu kkunsidrati l-gruppi multinazzjonali. Għalhekk, il-KESE jittama li l-estensjoni tal-eżenzjoni tkun akkumapanjata minn reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasparenza fis-swieq. Il-KESE jista’ jipproponi bidliet għad-direttiva dwar it-trasparenza f’opinjoni fuq inizjattiva proprja separata.

3.2.5   Proposta għal modifika tal-Artikoli 5(2), 6(2) u 7.

3.2.5.1   Il-Proposta għal Direttiva tissuġġerixxi li tingħata iktar importanza lis-sommarju tal-prospett billi dan jingħata ħafna attenzjoni, b’mod partikolari mill-investituri msejħa “fil-livell tal-konsumaturi”. Żbalji fl-abbozzar ta’ dan is-sommarju jistgħu jwasslu sabiex il-pubblikatur jinżamm responsabbli legalment; madankollu, il-proposta tispeċifika li l-kwantità ta’ kliem fid-dokument mhijiex indikatur effettiv tal-valur tal-informazzjoni tad-dokument; minflok, dan jista’ jiġi analizzat mill-kontenut tal-“informazzjoni prinċipali”.

3.2.5.2   Il-KESE jaqbel mal-idea li l-għadd ta’ kliem ma jistax ikun indikatur adegwat tal-valur tal-informazzjoni tas-sommarji, iżda jqis li l-Proposta għal Direttiva għandha tkun iktar ċara billi tipprovdi kriterji għall-ikklassifikar tal-iktar informazzjoni importanti. Billi l-investituri jkollhom bżonn jivvalutaw investiment skont ir-relazzjoni eżistenti bejn ir-riskju u r-redditu mistennija, l-informazzjoni prinċipali għandha tkun dik li l-iktar kapaċi taffettwa r-riskju tal-investiment, kunċett li fih innifsu diffiċilment jiġi identifikat. Għalhekk, qed jiġi propost li l-informazzjoni prinċipali tiġi identifikata skont l-impatt potenzjali li jista’ jinħoloq, li għandu jitkejjel permezz ta’ indikaturi standard li diġà ġew ikkunsidrati f’leġiżlazzjoni Komunitarja oħra bħall-“value-at-risk” (VaR); waħda mis-soluzzjonijiet tekniċi alternattivi iżda li tissemplifika, appoġġjata mill-KESE, hija li fis-sommarju tal-prospett, il-VaR irid jissemma b’mod obbligatorju.

3.2.6   Proposta għal modifika tal-Artikolu 7(2).

Din il-proposta għal modifika għandha l-għan li tadatta l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prospett skont l-ammont ta’ titoli maħruġa u fil-każ tal-ħruġ tad-drittijiet. Huwa minnu li l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prospett mhumiex proporzjonali perfettament għad-daqs tat-transazzjoni finanzjarja u għalhekk it-transazzjonijiet fuq skala iżgħar ibatu konsegwenzi sproporzjonati. Min-naħa l-oħra, fil-każ tal-ħruġ tad-drittijiet, it-tnaqqis tal-obbligi huwa bbażat fuq il-prinċipju li “l-azzjonisti eżistenti diġà jkunu ħadu deċiżjoni inizjali biex jinvestu fil-kumpanija u għandhom ikunu familjari magħha”.

Il-KESE jaqbel li hemm bżonn li jitnaqqas l-impatt tal-ispejjeż fissi marbuta mal-prospetti fuq id-daqs tat-transazzjoni finanzjarja, billi dan huwa kriterju li jista’ jitkejjel. Għall-kuntrarju, jaħseb li hija restrittiva l-ġustifikazzjoni adottata għat-tnaqqis tal-obbligi tad-drittijiet billi l-ħruġ tagħhom ħafna drabi jiddependi minn negozjati ma’ individwi li, billi ma jkollhomx ishma fil-kumpanija li qed toħroġ l-ishma, jistgħu jbatu l-konsegwenzi ta’ asimetrija fl-informazzjoni. Fiż-żewġ każi, kif rajna qabel ukoll, l-introduzzjoni tal-pubblikazzjoni obbligatorja tal-VaR tal-investiment tippermetti t-trażżin tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prospett mingħajr ma jkun hemm impatt kbir fuq il-valur tal-informazzjoni miġbura fis-sommarju tad-dokument.

3.2.7   Proposta għal modifika tal-Artikolu 8

Fl-Artikolu 8 qed jiġi propost li titħalla barra l-informazzjoni dwar il-garanziji mill-Istat sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż globali tat-transazzjoni. Il-KESE jaqbel fil-prinċipju ma’ din il-proposta iżda jissuġġerixxi li l-prospett almenu jinkludi l-aħħar rating tal-garanti billi din l-informazzjoni tvarja bejn l-Istati Membri, saħansitra fil-każ ta’ titoli maħruġa bl-istess munita u billi l-garanzija tista’ tinbet minn entitajiet territorjali li jkunu indipendenti finanzjarjament jew saħansitra minn strutturi bi skop speċjali (Special Purpose Vehicle) li huma tal-Istat.

3.2.8   Proposta għal modifika tal-Artikoli 9 u 14(4)

Il-proposta tipproponi li l-perijodu ta’ validità tal-prospett jiżdied għal 24 xahar (minflok il-perijodu attwali ta’ 12-il xahar). Il-KESE jtenni l-argument tiegħu li hija preċiżament in-natura tal-informazzjoni finanzjarja li ma tippermettix li l-perijodu tal-effikaċja tal-informazzjoni jiġi stabbilit b’mod riġidu; għaldaqstant, jissuġġerixxi li jinżamm il-perijodu attwali ta’ 12-il xahar u li l-awtoritajiet superviżorji u regolatorji jingħataw il-poter li jestenduh għal 12-il xahar ieħor skont talba ġustifikata mill-emittent.

3.2.9   Proposta għal modifika tal-Artikoli 10, 11(1), 12(2) u 14(4)

3.2.9.1   Il-KESE japprova l-proposta li jiġi revokat l-Artikolu 10 tad-Direttiva billi l-obbligu fis-seħħ tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kollha li tkun inġabret fl-aħħar 12-il xahar joħloq spejjeż inutli għall-emittent mingħajr l-ebda benefiċċju għall-investitur li, bis-saħħa tal-għodod moderni tal-informazzjoni, jista’ jaċċessa l-prospetti preċedenti faċilment, speċjalment fid-dawl tal-emenda prevista għall-Artikolu 14, li tipproponi li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni fuq l-internet jiġi estiż skont il-limiti ta’ żmien normali.

3.2.9.2   Il-bidliet proposti għall-Artikoli 11 u 12 huma konsegwenza tar-revoka tal-Artikolu 10 u b’hekk, fil-fehma tal-Kumitat, ma għandu l-ebda oġġezzjoni xi jqajjem, mingħajr preġudizzju għas-suġġeriment li sar fil-punt preċedenti.

3.2.10   Proposta għal modifika tal-Artikolu 16

3.2.10.1   L-għan ewlieni tal-proposta huwa li tiċċara l-punt fejn jispiċċa l-obbligu tal-informazzjoni, b’mod partikolari rigward id-diverġenzi potenzjali bejn l-għeluq tal-offerta u l-bidu tal-kummerċ: il-proposta tissuġġerixxi li jintgħażel l-avveniment li jsir l-ewwel. Il-KESE huwa tal-fehma li jkun utli li fil-proposta jiddaħħal l-obbligu li l-intermedjarji inkarigati mill-assenjazzjoni jippubblikaw il-volum tal-kummerċ tat-titoli inkwistjoni fil-perijodu bejn l-għeluq tal-offerta u l-bidu tal-kummerċ. L-informazzjoni dwar il-volum tat-transazzjonijiet f’dan il-perijodu (prattika li kienet tiġi deskritta bħala s-“suq il-griż”) għandha tiġi ċċertifikata minn awtorità superviżorja u regolatorja li għandha wkoll tagħti rendikont tat-transazzjonijiet kollha li jkunu saru bejn l-intermedjarji li jieħdu sehem fl-assenzjazzjoni.

3.2.10.2   Il-proposta tispeċifika wkoll li l-perijodu li fih tista’ tiġi revokata l-aċċettazzjoni min-naħa tal-investituri, li huwa ta’ jumejn wara l-pubblikazzjoni tas-suppliment tal-informazzjoni, ikun armonizzat. Il-KESE japprova l-proposta li jiġu armonizzati l-perijodi tad-dritt tar-revoka iżda jissuġġerixxi li jiddaħħal l-obbligu ta’ notifika għall-investituri li jkunu diġà aċċettaw il-prospett supplimentari permezz ta’ ittra elettronika għal dan l-iskop.

3.2.11   Proposta għal modifika tal-Artikolu 18

Il-modifika proposta għall-Artikolu 18 tad-direttiva attwali hija ta’ natura teknika immens u tippermetti li ċ-ċertifikati ta’ approvazzjoni tal-prospetti li jkunu ħarġu jiġu notifikati aktar malajr. B’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż u r-riskju tal-iżbalji tekniċi fil-pubblikazzjoni tal-prospetti, b’mod partikolari fil-pajjiżi fejn l-hekk imsejjaħ “passaport” ma jaħdimx kompletament. Il-KESE japprova l-proposta għal modifika.

3.3   Analiżi u osservazzjonijiet dwar il-kontenut tal-Artikolu 2 ta’ din il-proposta marbuta mad-Direttiva 2004/109/KE.

Il-modifiki li qed jiġu proposti fl-Artikolu 2 iservu biex jikkoordinaw il-kontenut tal-punti preċedenti rigward it-test tad-direttiva inkwistjoni. Il-KESE japprova l-modifiki mingħajr preġudizzju għall-punti li ssemmew hawn fuq.

Brussell, 18 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Analiżi tal-politika ambjentali tal-2008”

COM(2009) 304 finali

(2010/C 347/13)

Relatur: is-Sur Daniel RETUREAU

Nhar l-24 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Analiżi tal-politika ambjentali tal-2008

COM(2009) 304 finali.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-28 ta’ Jannar 2010.

Matul l-460 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010 (seduta tas-17 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’118 voti favur, 4 voti kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat iqis li l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri ħadu l-kwistjonijiet tat-tibdil fil-klima u tal-iżvilupp sostenibbli b’serjetà kbira. Madanakollu għad fadal ħafna xi jsir sabiex jiġu adottati pożizzjonijiet komuni u sabiex naħdmu favur impenji espressi f’ċifri u progressivi fil-livell internazzjonali, billi neżaminaw mill-ġdid il-politiki ta’ għajnuna għall-pajjiżi tal-AKP u b’mod iktar ġenerali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. L-istess għandu jgħodd għall-imsieħba kummerċjali prinċipali, fosthom fl-ewwel post l-Istati Uniti.

1.2   Il-marka ekoloġika totali tal-prodotti għandha tkun soġġetta għal standards minimi. Jeħtieġ li l-politika Ewropea tkompli tgħaqqad il-leġislazzjoni u l-istrumenti u inizjattivi volontarji sabiex iġġib bidla fl-imġiba u iktar konsiderazzjoni tal-problemi l-ġodda li ser ikollna niffaċċjaw bħala speċi umana; l-oqsma tal-“informazzjoni” u l-“edukazzjoni” għandhom jiġu żviluppati fis-soċjetà ċivili.

1.3   Il-politika integrata “klima-enerġija” bdiet tagħmel effett; jeħtieġ li tkompli tiġi żviluppata billi tiġi estiża għal gassijiet b’effett ta’ serra u setturi oħra (l-ewwel u qabel kollox kull forma ta’ trasport) u permezz ta’ appoġġ tal-kooperazzjoni internazzjonali.

1.4   Leġislazzjoni bħal REACH jew ir-responsabbiltà ambjentali ser ikomplu jaqdu rwol prinċipali li jissaħħaħ permezz tal-inizjattivi tal-industriji, taċ-ċittadini u tal-konsumaturi.

1.5   Bosta direttivi li ġew adottati matul dawn l-aħħar snin jeħtieġu segwitu bir-reqqa li jiżgura t-traspożizzjoni tajba u l-effikaċja tal-liġi nazzjonali hekk kif inhi implimentata, b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha.

1.6   Ir-rapport huwa komplet u utli iżda l-messaġġ tiegħu twassal tajjeb liċ-ċittadini?

2.   Il-punti essenzjali tar-rapport tal-Kummissjoni

2.1   Għaċ-ċittadini, l-2008 kienet is-sena fejn saru iktar konxji minn qatt qabel tal-kriżi globali tad-tibdil fil-klima, li saret prijorità politika essenzjali għalihom.

2.2   Dan jenfasizza l-bżonn li norjentaw l-iżvilupp lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u l-ħarsien tar-riżorsi. Qegħdin jiġu ppjanati sforzi ikbar sabiex nindirizzaw dawn l-isfidi

2.3   L-ekonomija ntlaqtet sew minn kriżi mingħajr preċedent; il-kriżi finanzjarja qerdet l-investimenti fl-ekonomija reali u rriżultat f’rata sinifikanti ta’ qgħad u żieda enormi fid-defiċit pubbliku minħabba s-self pubbliku u l-investimenti fil-banek u l-istituzzjonijiet tal-kreditu.

2.4   Ir-rapport tal-Kummissjoni jikkonsisti f’komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew; il-KESE ma jiġix ikkonsultat formalment dwar ir-rapporti perjodiċi ta’ progress iżda b’mod ġenerali jitlob li jirċievi r-rapporti sabiex ikun jista’ jsegwi l-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni u l-orjentazzjonijiet Komunitarji.

2.5   Ir-rapport annwali dwar il-politika ambjentali tal-2008 iqis l-inizjattivi Komunitarji u l-effikaċja tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tal-impenji ta’ Kyoto għat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra, u l-impenji l-ġodda li kienu mistennija joħorġu mill-konferenza ta’ Kopenħagen ta’ Diċembru. Il-Kumitat adotta opinjoni dwar dan (1).

2.6   Skont il-Kummissjoni u fid-dawl tat-tbassir li sar, l-UE miexja fid-direzzjoni t-tajba sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-UE u l-Istati Membri, mill-inqas il-biċċa l-kbira tagħhom, ser ikunu kapaċi jirrispettaw l-impenji tat-tnaqqis tagħhom. B’riżultat tal-isforzi unilaterali ta’ wħud mill-Istati Membri li qegħdin jikkunsidraw ċerti miżuri supplimentari, huwa saħansitra mistenni li jinqabżu l-għanijiet stabbiliti.

2.7   Ir-rapport jevalwa l-oqsma differenti li għalihom tapplika l-politika Komunitarja tal-ambjent iżda d-dokument tal-Kummissjoni huwa biss sommarju; ir-rapport sħiħ jikkonsisti f’iktar minn 200 paġna u huwa ppreżentat fil-forma ta’ anness għad-dokument COM.

2.8   Skont iċ-ċifri kompleti li jirreferu għall-2006, f’Ġunju 2008 il-livell ta’ emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE-15 kien 2.7 % iktar baxx mis-sena ta’ referenza (1990), minkejja tkabbir ekonomiku ta’ madwar 40 % matul l-istess perjodu. Il-politiki u l-miżuri attwali għandhom jippermettu tnaqqis totali ta’ 3.6 % fl-2010 meta mqabbel mas-sena ta’ referenza, jiġifieri f’nofs il-perjodu 2008-2012 li għalih l-impenn tat-tnaqqis huwa ta’ 8 %. Tnaqqis supplimentari ta’ 3 %, li jwassal għal tnaqqis totali ta’ 6.6 %, huwa mistenni li jinkiseb mix-xiri ta’ krediti minn proġetti ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fil-pajjiżi terzi skont il-mekkaniżmi ta’ Kyoto. Tnaqqis addizzjonali ta’ 1.4 % huwa mistenni mill-“carbon sinks”.

2.9   B’hekk inkunu nistgħu nilħqu l-għan ta’ Kyoto u anki mmorru lil hinn minnu, fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri għadhom ma integrawx fil-previżjonijiet tagħhom il-limiti stabbiliti għall-allokazzjoni tal-kwoti ta’ emissjonijiet għall-perjodu ta’ skambju 2008-2012 tal-kwoti Komunitarji tal-emissjonijiet, li minnhom huwa mistenni tnaqqis addizzjonali ta’ 3.3 % meta mqabbel mas-sena ta’ referenza.

3.   Kummenti

3.1   It-tbassir tal-Kummissjoni fir-rapport tal-2008 huwa bbażat fuq data kompleta iżda relattivament antika u fuq data mhux kompleta mill-2006 lil hawn. Madanakollu din kienet l-unika data disponibbli fl-2008, u l-Kummissjoni qieset ir-riżultati rilevanti kollha li nġabru sa qabel il-pubblikazzjoni. Minkejja r-riżultat diżappuntanti tal-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-Klima, il-Kumitat jemmen li l-UE għandha tilħaq l-għan tat-tnaqqis tal-emissjonijiet li stabbiliet għall-2012 u għandha tkompli taħdem għat-tnaqqis li adottat għall-2020.

3.2   Bosta direttivi li ġew adottati matul dawn l-aħħar snin jeħtieġu segwitu bir-reqqa li jiżgura t-traspożizzjoni tajba u l-effikaċja tal-liġi nazzjonali hekk kif inhi implimentata, b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha. Uħud mill-Istati Membri ma rnexxielhomx jiksbu l-għanijiet li ngħatawlhom. Ir-rapport jixħet dawl kemm fuq il-problemi u l-ostakli li għad hemm kif ukoll fuq il-progress li sar. Huwa rapport komplet, dettajljat u li jħabbar indikaturi ġodda sabiex titkejjel il-marka ekoloġika totali tal-prodotti u l-attivitajiet. Jeħtieġ li dan ir-rapport u rapporti futuri oħra jixxerrdu tajjeb fost il-pubbliku u li jħeġġu bidliet fl-imġiba fil-qasam tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum.

3.3   Il-Kumitat mhux konvint għal kollox mill-argument li l-kriżi hija opportunità tajba sabiex il-mezzi ta’ produzzjoni u konsum jiġu orjentati mill-ġdid favur soluzzjonijiet iktar sostenibbli. Il-poter tal-akkwist ta’ numru dejjem jikber ta’ familji qiegħed jonqos ħafna b’riżultat tal-qgħad u l-għeluq ta’ intrapriżi, li f’ċerti każijiet mexxew il-produzzjoni tagħhom f’pajjiżi terzi. L-impjieg u d-dar huma l-preokkupazzjonijiet prijoritarji fil-perjodu qasir, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, u hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet pożittivi f’dan ir-rigward.

3.4   Ix-xogħol prekarju, għal perjodu determinat u part-time, qed jiżviluppa u dan iġib miegħu nuqqas ta’ stabbiltà li ma tħeġġiġx bidla fit-tendenzi tal-konsum tal-familji u l-intrapriżi. L-intrapriżi għandhom it-tendenza li jesportaw il-prodotti li jikkawżaw l-iktar tiniġġis ’il barra mill-UE iktar milli jinvestu f’mudelli produttivi oħra issa li l-kreditu tant naqas, b’mod partikolari għall-SMEs.

3.5   Ir-rapport jindirizza b’mod ħafif biss il-kwistjoni tal-konsegwenzi tal-kriżi, li għadhom mhux qed jiġu indirizzati b’mod li jiffavorixxi l-ambjent. L-impatt tal-kriżi huwa kbir anki fil-pajjiżi terzi, b’mod partikolari dawk li qed jiżviluppaw. F’mument meta l-għajnuna pubblika għall-iżvilupp u d-diversi fondi l-oħra qed jonqsu malajr, huwa diffiċili li jitfasslu politiki effikaċi fir-rigward ta’ dawn il-pajjiżi. Hemm bżonn ta’ bidla rapida fl-imġiba sabiex ngħinu lill-pajjiżi li m’għandhomx il-mezzi jew it-teknoloġiji biex jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima.

3.6   Jekk immorru lura għal sitwazzjoni “business as usual” bl-istess organizzazzjoni ekonomika, mhux ser nagħmlu progress lejn ambjent iktar sigur u ta’ kwalita’ aħjar. Is-sinjali li qed jibagħtu s-swieq finanzjarji u l-industrija xejn ma huma inkoraġġanti għalissa. Hemm bżonn ta’ rieda politika soda kif ukoll ta’ mobilizzazzjoni msaħħa taċ-ċittadini Ewropej u informazzjoni oġġettiva u mhux “katastrofista” mill-mezzi tax-xandir.

Fil-pajjiżi li jinsabu fil-fażi tal-industrijalizzazzjoni (iċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja, eċċ.), il-mudelli antiki ta’ konsum tal-pajjiżi industrijalizzati b’ekonomiji bbażati fuq is-suq għadhom meqjusa bħala objettiv li jrid jintlaħaq, u l-gvernijiet kif ukoll iċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi jinterpretaw b’mod negattiv il-limiti li qed jiġu imposti fuqhom fil-qasam tat-tniġġis, il-bidla fl-istil ta’ ħajja u t-tendenzi tal-konsum. Huma jqisu l-obbligi tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bħala xorta ta’ inġustizzja storika lejhom fi żmien fejn qed jaħdmu sabiex joħorġu mill-faqar u jippromovu l-edukazzjoni u s-saħħa permezz tal-industrijalizzazzjoni ta’ sottokuntrattar għall-intrapriżi transnazzjonali.

3.7.1   Huma qed jitolbu għajnuna u trasferiment tat-teknoloġiji li għandna nqisu b’serjetà kbira jekk irridu nimxu fit-triq li fetħu l-ftehimiet dwar il-klima.

3.8   Il-kwistjoni tat-trasport tal-oġġetti minn post għal ieħor fi ktajjen ta’ produzzjoni frammentati u lejn postijiet imbiegħda għandha tiġi eżaminata u għandha tkun soġġetta għal miżuri adatti. Attwalment, l-internalizzazzjoni mill-ġdid tal-ispejjeż għall-ambjent u l-klima hija piż fuq il-konsumatur, kemm bħala spiża kif ukoll bħala sors ta’ tniġġis. Il-Kumitat għalhekk jappoġġja l-isforzi li qed isiru sabiex tiġi riveduta l-Konvenzjoni MARPOL u sabiex jiġi limitat it-tniġġis mill-bastimenti; iżda jeħtieġ li jiġu introdotti wkoll regolamenti globali għas-swieq finanzjarji, għal loġistika tat-trasport imtejba kif ukoll sabiex tiġi appoġġjata l-produzzjoni sostenibbli.

3.9   Il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-gvernijiet għandhom jużaw il-pjanijiet ta’ rilanċ ekonomiku tagħhom għall-effiċjenza fil-qasam tal-enerġija billi jiżviluppaw infrastrutturi ambjentali li jiffavorixxu l-ekoinnovazzjoni.

3.10   Poitika ambjentali b’saħħitha tista’ tagħti bidu għal irkupru ekoloġiku b’marka tal-karbonju mnaqqsa u orjentazzjoni ġdida fit-tendenzi tal-konsum tal-intrapriżi u tal-familji.

3.11   It-telf rapidu tal-bijodiversità fid-dinja (it-telf ta’ bosta speċijiet ta’ annimali u pjanti fosthom l-għasafar u n-naħal li ntlaqtu ħażin ħafna u li huma importanti ħafna għall-produttività agrikola) għandu jħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ politiki li jwaqqfu l-qerda tal-ispeċijiet. Dan jikkonċerna b’mod partikolari:

il-ġestjoni tal-foresti u t-temma tal-qerda tal-foresti primarji u tropikali;

il-metodi agrikoli li jintużaw (ġie stabbilit li l-prodotti fitosanitarji li qed jintużaw bħalissa għandhom impatt negattiv fuq is-saħħa tan-naħal u l-ikel tal-għasafar).

3.12   Il-Kumitat jilqa’ b’mod pożittiv il-ħolqien ta’ indikaturi ġodda li jqisu l-bijodiversità u l-klima bħal dawk li introduċa l-EUROSTAT fl-oqsma prijoritarji tas-sitt programm ta’ azzjoni ambjentali.

3.13   Is-CO2 mhuwiex l-uniku gass b’effett ta’ serra u jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-emissjonijiet tan-NOx (ossidju tan-nitroġenu) u kulma għandu impatt fuq is-saff tal-ożonu jew li jista’ jikkontribwixxi għat-tisħin globali.

3.14   Il-Kumitat jinsisti fuq l-għarfien u l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini li għandhom ikunu orjentati favur l-użu ta’ prattiki tajba fil-konsum tal-prodotti, it-tnaqqis tal-ammont ta’ skart u s-separazzjoni selettiva tal-iskart; is-sensibilizzazzjoni tal-intrapriżi u l-inklużjoni tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fl-impenji tagħhom fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali huma indispensabbli wkoll.

3.15   Il-biċċa l-kbira tal-programmi u l-leġislazzjonijiet li jissemmew fir-rapport kienu s-suġġett ta’ opinjonijiet tal-KESE fiż-żmien opportun (2) u l-KESE waqqaf osservatorju permanenti tal-iżvilupp sostenibbli sabiex jikkontribwixxi b’mod iktar effikaċi fl-istrateġiji tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fis-segwitu tal-politiki u l-leġislazzjonijiet Komunitarji u fil-monitoraġġ tal-effettività tagħhom.

Brussell, 17 ta’ Frar 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 116.

(2)  Opinjonijiet tal-KESE: ĠU C 128, 18.5.2010, p. 122; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 97; ĠU C 317, 23.12.2009, p. 75; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 92; ĠU C 306, 16.12.2009, p. 42; ĠU C 277, 17.11.2009, p. 67; ĠU C 277, 17.11.2009, p. 62; ĠU C 318, 23.12.2009, p. 88; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 55; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 50; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 46; ĠU C 175, 28.7.2009, p. 34; ĠU C 218, 11.9.2009, p. 59; ĠU C 306, 16.12.2009, p. 39; ĠU C 204, 9.8.2008, p. 66.