ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.342.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 342

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
16 ta' Diċembru 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Qorti tal-Awdituri

2010/C 342/01

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2009 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

1

2010/C 342/02

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2009, flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

7

2010/C 342/03

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2009, flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

15

2010/C 342/04

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Intrapriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2009 flimkien mar-risposti tal-Intrapriża Konġunta

22

2010/C 342/05

Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2009, flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

30

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti tal-Awdituri

16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/1


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2009 flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2010/C 342/01

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI …

1-5

2

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI …

6-15

2

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA …

16-19

3

KWISTJONIJIET OĦRAJN …

20-25

3

It-Tabella …

4

Ir-risposti tal-Impriża Konġunta

6

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta ARTEMIS, li tinsab fi Brussell, twaqqfet f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin.

2.

Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta ARTEMIS huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja, ir-Renju Unit u l-ARTEMISIA, assoċjazzjoni li tirrappreżenta kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra tar-riċerka li huma attivi fil-qasam tas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter fl-Ewropa. Fi tmiem l-2009, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja u n-Norveġja kienu wkoll membri tal-Impriża Konġunta.

3.

L-objettiv prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li tiddefinixxi u timplimenta “Aġenda għar-Riċerka” għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin għas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter fiż-żoni kollha differenti ta’ applikazzjoni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u s-sostenibbiltà, u tippermetti l-ħolqien ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà (ara t-Tabella).

4.

Il-kontribut massimu tal-UE lill-Impriża Konġunta ARTEMIS li jkopri l-ispejjeż operattivi u l-attivitajiet ta’ riċerka huwa ta’ EUR 420 miljun li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka. L-assoċjazzjoni ARTEMISIA għandha tagħmel kontribut ta’ mhux aktar minn EUR 30 miljun għall-ispejjeż operattivi. L-Istati Membri fl-ARTEMIS għandhom jagħmlu kontributi in natura għall-ispejjeż operattivi (permezz tal-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti), u jagħmlu kontributi finanzjarji li għandhom jammontaw għal mill-inqas 1,8 darbiet aktar mill-kontribut finanzjarju tal-UE. Kontributi in natura għandhom jingħataw ukoll mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka li qegħdin jieħdu sehem fi proġetti.

5.

L-Impriża Konġunta bdiet taħdem b’mod awtonomu fis-26 ta’ Ottubru 2009.

15.

Il-kummenti li ġejjin ma jixtħux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

L-implimentazzjoni tal-baġit

16.

Il-baġit finali kien jinkludi approprijazzjonijiet tal-impenji ta’ EUR 46 miljun u approprijazzjonijiet tal-pagamenti għal EUR 8 miljun. Ir-rati ta’ użu għall-approprijazzjonijiet tal-impenji u tal-pagamenti kienu 81 % u 20 % rispettivament. Ir-rata ta’ użu relattivament baxx għall-approprijazzjonijiet tal-pagamenti tirrifletti l-fażi ta’ bidu tal-programm tar-riċerka ARTEMIS.

Il-preżentazzjoni tal-kontijiet: kontributi tal-membri

17.

Il-Qorti tinnota li l-attivitajiet tal-Impriżi Konġunti tal-UE huma ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet mill-membri tagħhom, u li l-Impriżi Konġunti fil-fatt m'għandhom ebda kapital. Il-Qorti rrakkomandat li fil-kontijiet jingħata tagħrif ċar dwar din il-karatteristika speċifika tal-Impriżi Konġunti

18.

Għalhekk il-Qorti tilqa’ l-fatt li, skont ir-Regola tal-Kontabilità 1 (Kontabilità tal-Grupp), il-kontribuzzjonijiet mill-membri huma ppreżentati taħt Attivi Netti fil-Karti tal-Bilanċ tal-Impriżi Konġunti, u li fin-Noti tal-Kontijiet tingħata aktar informazzjoni dwar in-natura tal-kontribuzzjonijiet.

19.

Il-Qorti tqis li l-preżentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-Kontijiet tal-Impriżi Konġunti għandhom ikunu armonizzati kemm jista’ jkun u tinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ gwida fid-dettall lill-Impriżi Konġunti f’dan ir-rigward.

KWISTJONIJIET OĦRAJN

Is-sistemi ta’ kontroll intern

20.

L-Impriża Konġunta tinsab fil-fażi ta’ bidu u għadha ma implimentatx għal kollox il-kontrolli interni u s-sistema ta’ informazzjoni finanzjarja tagħha matul l-2009. Fi tmiem is-sena, il-proċessi tan-negozju ta’ bażi kienu għadhom ma ġew formalizzati u ma kinux ġew validati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità kif meħtieġ mir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

21.

B’mod partikolari, jinħtieġ aktar xogħol fid-dokumentazzjoni tal-proċessi u tal-attivitajiet tal-IT, u d-deskrizzjoni ta’ riskji tal-IT. Barra minn hekk, l-Impriża Konġunta ma kinitx żviluppat Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju u lanqas politika tal-protezzjoni tad-data fl-2009.

Nuqqas ta’ ftehim ta’ ospitalità

22.

L-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 dwar it-twaqqif tal-Impriża Konġunta ARTEMIS jgħid li għandu jiġi konkluż ftehim ta’ ospitalità bejn l-Impriża Konġunta ARTEMIS u l-Belġju dwar l-uffiċċji, il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li l-Belġju għandu jipprovdi lill-Impriża Konġunta ARTEMIS. Madankollu, sa tmiem l-2009 l-ebda ftehim ta’ din ix-xorta ma kien ġie konkluż.

Il-Funzjoni ta’ Verifika Interna u s-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni

23.

L-Artikolu 73 tar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta jgħid li l-Impriża Konġunta għandu jkollha funzjoni ta’ verifika interna li trid tikkonforma ma’ standards internazzjonali tal-verifika. Madankollu, sa tmiem l-2009, dan l-element importanti tas-sistema ta’ kontroll intern ma kienx ġie stabbilit.

24.

Skont il-fehmiet espressi fl-Opinjonijiet tagħha Nru 4/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta Fużjoni għall-Enerġija u Nru 2/2010 dwar ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta SESAR, il-Qorti tqis li d-dispożizzjoni kurrenti fl-Istatuti tal-Impriża Konġunta dwar l-irwol tal-awditur intern tal-Kummissjoni għandha tkun iċċarata.

25.

L-Artikolu 10 tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta ARTEMIS jiddikjara li l-funzjonijiet tal-awditur intern tal-Kummissjoni għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta. Arranġament bħal dan jixraq lill-funzjoni ta’ verifika interna fi ħdan l-Impriża Konġunta iżda mhux lill-awditur intern tal-Kummissjoni, li r-responsabbiltajiet tiegħu għandhom x'jaqsmu mal-baġit ġenerali tal-UE kollu kemm hu.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sur Morten LEVYSOHN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President

Tabella

L-Impriża Konġunta ARTEMIS (Brussell)

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

Kompetenzi tal-Impriża Konġunta kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008

Tmexxija

Riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2009

Kisbiet prinċipali għall-2009

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

l-Artikolu 187

(dak li qabel kien l-Artikolu 171, TKE)

L-Unjoni tista’ toħloq impriżi komuni [konġunti] jew kull struttura oħra neċessarja għall-eżekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni tal-Unjoni.

Objettivi

L-Impriza Konġunta ARTEMIS għandha tikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm ta’ Qafas u t-Tema “Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni” tal-Programm Speċifiku “Koperazzjoni”. Din għandha b’mod partikolari:

(a)

tiddefinixxi u timplimenta “Aġenda għar-Riċerka” għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin għas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter fiż-żoni kollha differenti ta’ applikazzjoni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u s-sostenibbilità, u tippermetti l-ħolqien ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà. L-attivitajiet għall-implimentazzjoni tal-Aġenda għar-Riċerka minn hawn ’il quddiem huma msemmija bħala “l-Attivitajiet ta’ R&Ż”;

(b)

tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Attivitajiet ta’ R&Ż partikolarment billi tagħti finanzjament lil parteċipanti fi proġetti magħżula wara sejħiet kompetittivi għall-proposti;

(c)

tippromwovi sħubija pubblika-privata mmirata lejn il-mobilizzazzjoni u l-ġbir tal-isforzi tal-Unjoni, nazzjonali u privati, li żżid l-investimenti globali fl-R&Ż fil-qasam tas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter, u trawwem kollaborazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati;

(d)

tikseb sinerġija u koordinazzjoni tal-isforzi Ewropej dwar l-R&Ż fil-qasam tas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter, inkluża, meta jista’ jinħoloq valur miżjud, l-integrazzjoni progressiva fl-Impriża Konġunta ARTEMIS tal-attivitajiet relatati fil-qasam implimentati fil-preżent permezz ta’ skemi intergovernattivi ta’ R&Ż (Eureka);

(e)

tippromwovi l-involviment ta’ SMEs fl-attivitajiet tagħha skont l-objettivi tas-Seba’ Programm ta’ Qafas.

Kompiti

(a)

tiżgura t-twaqqif u l-ġestjoni sostenibbli tal-JTI f'Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter;

(b)

tiddefinixxi u tagħmel kull aġġustament meħtieġ għall-Pjan Strateġiku Multinannwali inkluża l-Aġenda għar-Riċerka msemmija fl-Artikolu 19(1);

(c)

tiddefinixxi u twettaq il-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni Annwali msemmija fl-Artikolu 19(3) għall-eżekuzzjoni tal-Pjan Strateġiku Multinannwali msemmi fl-Artikolu 19(1);

(d)

toħroġ sejħiet għall-proposti, tevalwa l-proposti, u tagħti finanzjament lil proġetti magħżula permezz ta’ proċeduri miftuħa, trasparenti u effettivi, fi ħdan il-limiti tal-fondi disponibbli;

(e)

tiżviluppa koperazzjoni mill-qrib u tiżgura koordinazzjoni ma’ attivitajiet, korpi u partijiet konċernati Ewropej, b'mod partikolari s-Seba’ Programm ta’ Qafas, nazzjonali u transnazzjonali, bil-għan li trawwem ambjent fertili ta’ innovazzjoni fl-Ewropa u sinerġiji u sfruttament aħjar tar-riżultati ta’ żvilupp u ta’ riċerka fil-qasam tas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter;

(f)

timmonitorja l-progress lejn objettivi tal-Impriża Konġunta ARTEMIS;

(g)

twettaq attivitajiet ta’ komunikazzjoni u ta’ disseminazzjoni;

(h)

tippubblika informazzjoni dwar il-proġetti, inkluż isem il-parteċipanti u l-ammont tal-kontribut finanzjarju tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għall kull parteċipant;

(i)

twettaq kull attività oħra meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament.

Il-Korpi tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għandhom ikunu:

il-Bord tat-Tmexxija,

id-Direttur Eżekuttiv,

il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi,

il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka.

1 —   Bord tat-Tmexxija

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà kumplessiva għall-operazzjoniiet tal-Impriża Konġunta ARTEMIS u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha.

2 —   Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun il-kap eżekuttiv responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta ARTEMIS skont id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija u jkun ir-rappreżentant ġuridiku tagħha. Hu għandu jwettaq il-kompiti tiegħu b'independenza sħiħa u jkun responsabbli lejn il-Bord tat-Tmexxija. Id-Direttur għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal, is-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament.

3 —   Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi għandu:

(a)

jiżgura li jiġu applikati sew il-prinċipji tal-ġustizzja u tat-trasparenza fl-allokazzjoni tal-finanzjament pubbliku lill-parteċipanti fil-proġetti;

(b)

jiddiskuti u japprova l-Programm Annwali ta’ Ħidma msemmi fl-Artikolu 19(2) fuq proposti mill-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka, inklużi l-baġits disponibbli għas-sejħiet għall-proposti;

(c)

japprova r-regoli ta’ proċedura għas-sejħiet għall-proposti, għall-evalwazzjoni u l-għażla tal-proposti u għall-monitoraġġ tal-proġetti;

(d)

fuq proposta tar-rappreżentant tal-Unjoni, jiddeċiedi dwar il-kontribut finanzjarju għall-Impriża Konġunta ARTEMIS għall-baġit tas-sejħiet għall-proposti;

(e)

japprova l-ambitu ta’ applikazzjoni u t-tnedija tas-sejħiet għall-proposti;

(f)

japprova l-għażla tal-proposti għall-proġetti sabiex jirċievu finanzjament pubbliku wara s-sejħiet għall-proposti;

(g)

fuq proposta tar-rappreżentant tal-Unjoni, jiddeċiedi dwar il-perċentwal tal-kontribut finanzjarju tal-Impriża Konġunta ARTEMIS imsemmi fl-Artikolu 13(6)(a) lill-parteċipanti fi proġetti li joħorġu minn sejħiet għall-proposti fi kwalunkwe sena partikolari;

(h)

jadotta r-regoli ta’ proċedura skont il-paragrafu 3.

4 —   Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka għandu:

(a)

jelabora l-Pjan Strateġiku Multinannwali msemmi fl-Artikolu 19(1), inklużi l-kontenut u l-aġġornament tal-Aġenda għar-Riċerka, u jippreżentah lill-Bord tat-Tmexxija għall-approvazzjoni;

(b)

iħejji l-abbozz tal-Programm Annwali ta’ Ħidma msemmi fl-Artikolu 19(2), inklużi proposti għall-kontenut tas-sejħiet li għandhom ikunu varati mill-Impriża Konġunta ARTEMIS;

(c)

jelabora proposti fir-rigward tal-istrateġija teknoloġika, ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni tal-Impriża Konġunta ARTEMIS;

(d)

jelabora proposti għall-attivitajiet fir-rigward tal-ħolqien ta’ ambjenti miftuħa ta’ innovazzjoni, jippromwovi l-parteċipazzjoni tal-SMEs, jiżviluppa standards b'mod trasparenti u b'mod miftuħ għall-parteċipazzjoni, il-koperazzjoni internazzjonali, id-disseminazzjoni u r-relazzjonijiet pubbliċi;

(e)

jagħti pariri lill-korpi l-oħrajn dwar kull kwistjoni marbuta mal-ippjanar u l-operat ta’ programmi ta’ riċerka u żvilupp, irawwem sħubijiet u jħaddem riżorsi sabiex jilħaq l-objettivi tal-Impriża Konġunta ARTEMIS.

(f)

jaħtar gruppi ta’ ħidma fejn meħtieġ taħt il-koordinazzjoni kumplessiva ta’ membru jew aktar tal-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka sabiex iwettaq il-kompiti msemmija fuq;

(g)

jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu skont il-paragrafu 3.

5 —   Verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

6 —   Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Bagit

EUR 7,97 miljun li jirrappreżentaw 100 % kontribut tal-UE.

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2009

10 karigi elenkati fil-pjan ta’ stabbiliment li minnhom 9 ġew okkupati sal-31.12.2009.

Għadd totali tal-persunal: 9

7 aġenti temporanji (AD)

2 aġenti kuntrattwali (assistenti amministrattivi)

ingħatat l-awtonomija mill-Kummissjoni fis-26 ta’ Ottubru 2009

it-tieni sejħa għal proposti ġiet varata

Negozjar u bidu ta’ proġetti R&Ż tat-tieni sejħa

Monitoraġġ u reviżjoni tal-ewwel sejħa għal proġetti

iffirmar tal-Ftehim ta’ Finanzjament Ġenerali mal-Kummissjoni

6 ftehimiet fil-livell tas-servizz iffirmati mas-servizzi tal-Kummissjoni

Sors: Informazzjoni ppreżentata mill-Impriża Konġunta.

IR-RISPOSTI TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

Sistemi Interni ta' Kontroll

Paragrafu 20

Id-Direttur Eżekuttiv iddeċieda li jimplimenta l-15-il Standard ta' Kontroll Intern li fadal (wieħed kien diġà ġie adottat qabel) f'żewġ fażijiet. L-ewwel fażi kienet adottata mill-Bord Amministrattiv fit-23 ta' Marzu 2010. L-SKI li fadal ġew adottati mill-Bord Amministrattiv fit-22 ta' Settembru 2010.

Paragrafu 21

L-Impriża Konġunta Artemis irrikonoxxiet il-kummenti tal-Qorti. Madankollu, fil-bini temporanju li attwalment tinsab, l-Impriża Konġunta tiddependi mill-infrastruttura tal-IT provduta mill-Kummissjoni bħala mistiedna. L-Impriża Konġunta Artemis qed taħdem fuq proċedura biex tagħżel il-post definittiv tagħha. Wara li jitlesta dan il-proċess, l-Impriża Konġunta ser tkun f'pożizzjoni li ġġorr ir-responsabbiltà għall-infrastruttura tal-IT tagħha u ser tikkonsidra l-punti mqajma mill-Qorti.

Nuqqas ta' ftehim ta' Stat Ospitanti

Paragrafu 22

L-Impriża Konġunta Artemis tkompli tikkoopera għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' ftehim ta' Stat Ospitanti u tistenna l-eżitu tal-passi li jmiss fuq il-proċedura biex ikollha ftehim iffirmat.

Il-Funzjoni ta' Verifika Interna u s-Servizz ta' Verifika Interna tal-Kummissjoni

Paragrafu 23

FIl-fażi inizjali tal-operazzjoni tal-Impriża Konġunta, ir-riżorsi kienu diretti lejn il-kompiti ta' prijorità għal tmexxija soda tal-proċess lejn l-awtonomija, bit-tlestija tas-sejħa għall-offerti għall-2009 (fosthom in-negozjat tal-kuntratti) u l-bidu tas-sejħiet għall-offerti għall-2010. L-Impriża Konġunta tikkonferma l-intenzjoni tagħha biex iddaħħal fis-seħħ sistema ta' verifika interna matul l-2010.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-“Impriża Konġunta ARTEMIS” għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52).

(2)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti ta’ approprijazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(3)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, ir- rendikont tal-likwidità u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludu d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Ir-rapport tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsisti fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  Ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta ARTEMIS adottati mid-Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tagħha fit-18 ta’ Diċembru 2008.

(7)  L-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1653/2004 tal-21 ta’ Settembru 2004 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(8)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VI tar-Regolament (KE) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 652/2008 tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 181, 10.07.2008, p. 23) u huma fil-fatt inkorporati fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta ARTEMIS.

(10)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).


16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/7


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2009, flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2010/C 342/02

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI …

1-6

8

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI …

7-16

8

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA …

17-22

9

KWISTJONIJIET OĦRAJN …

23-29

9

It-Tabella …

11

Ir-risposti tal-Impriża Konġunta

13

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta “Clean Sky”, li tinsab fi Brussell, twaqqfet f’Diċembru 2007 (1) għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017.

2.

Dan l-objettiv tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” qiegħed biex jaċċelera fl-UE l-iżvilupp, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji nodfa għat-Trasport bl-Ajru għall-użu mill-aktar fis possibbli (Ara t-Tabella).

3.

L-attivitajiet tar-riċerka koordinati mill-Impriża Konġunta huma maqsumin f’sitt oqsma teknoloġiċi jew “Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata” (ITDs).

4.

Il-Membri li waqqfu l-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni bħala rappreżentanta pubblika, u msieħba industrijali bħala l-mexxejja tal-ITDs, flimkien mal-Membri assoċjati tal-ITDs.

5.

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta “Clean Sky” biex tkopri l-ispejjeż ta’ ġestjoni u l-attivitajiet ta’ riċerka hi ta’ EUR 800 miljun li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba’ Programm ta’ Qafas ta’ Riċerka. Membri oħrajn tal-Impriża Konġunta għandhom jikkontribwixxu riżorsi għall-inqas b’mod indaqs għall-kontribuzzjoni tal-UE, inklużi kontribuzzjonijiet in natura.

6.

L-Impriża Konġunta bdiet tiffunzjona b’mod awtonomu fis-16 ta’ Novembru 2009.

16.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

L-Implimentazzjoni tal-baġit:

17.

L-adozzjoni, l-istruttura u l-preżentazzjoni tal-baġit approvat tal-Impriża Konġunta għall-2009 ma kinux konformi mar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ta’ “Clean Sky”, u lanqas mar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta. Il-baġit ma jirrispettax il-prinċipju ta’ ekwilibriju u ma jinkludix l-elementi kollha meħtieġa (pereżempju, pjan ta’ stabbiliment tal-persunal).

18.

Il-baġit finali kien jinkludi approprijazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 91 miljun u approprijazzjonijiet ta’ pagamenti ta’ EUR 60 miljun. Ir-rata tal-utilizzazzjoni għal approprijazzjonijiet ta’ impenn kienet 98 %, ir-rata għal approprijazzjonijiet ta’ pagament kienet inqas minn 1 %. L-Impriża Konġunta kkonkludiet kuntratti ta’ EUR 70,6 miljun f’Diċembru 2009, iżda l-pagamenti ta’ finanzjament minn qabel li jammontaw għal EUR 56,5 miljun setgħu jsiru biss f’Jannar 2010.

19.

L-attivitajiet ta’ riċerka ffinanzjati minn qabel mill-Kummissjoni fl-2008 f’isem l-Impriża Konġunta ma ġewx implimentati għal kollox matul l-2009. Minħabba dewmien fil-proġetti, intużaw biss EUR 8,7 miljun jew 65 % tal-finanzjament minn qabel ta’ EUR 13,6 miljun. Għaldaqstant fi tmiem l-2009, l-Impriża Konġunta kellha ammont potenzjali ta’ rkupru ta’ dejn ta’ EUR 4,9 miljun.

Preżentazzjoni tal-kontijiet: il-kontribuzzjonijiet tal-membri

20.

Il-Qorti tinnota li l-attivitajiet tal-Impriżi Konġunti tal-UE huma ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet mill-membri tagħhom, u li l-Impriżi Konġunti fil-fatt m’għandhomx kapital. Il-Qorti tirrakkomanda li din il-karatteristtika speċifika tal-Impriżi Konġunti jingħata tagħrif dwarha b’mod ċar fil-kontijiet.

21.

Għalhekk, il-Qorti tilqa’ l-fatt li, skont ir-Regola 1 tal-Kontabilità (Kontabilità tal-Grupp), il-kontribuzzjonijiet minn membri jkunu ppreżentati skont l-Attivi Netti fil-Karti tal-Bilanċ tal-Impriżi Konġunti, u li informazzjoni ulterjuri dwar in-natura tal-kontribuzzjonijiet tiġi pprovduta fin-Noti għall-Kontijiet.

22.

Il-Qorti tqis li l-preżentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-Kontijiet tal-Impriżi Konġunti għandha tkun f’armonija kemm jista’ jkun u tinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ gwida dettaljata f’dan ir-rigward tal-Impriżi Konġunti.

KWISTJONIJIET OĦRAJN

Sistemi ta’ kontroll intern

23.

L-Impriża Konġunta tinsab fil-fażi tal-bidu u ġew żviluppati proċeduri għall-oqsma kollha rilevanti tal-organizzazzjoni bħall-workflow u l-akkwist finanzjarju Madankollu kif muri mis-sejbiet tal-verifika tal-Qorti, dawn il-proċeduri ta’ kontroll intern jeħtieġu żvilupp ulterjuri sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti għal kontroll intern effettiv u effiċjenti kif stipulat fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

24.

Fi tmiem l-2009, il-proċessi kummerċjali ta’ bażi kien għadhom ma ġewx formalizzati u ma kinux ivvalidati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità kif mitlub mir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

25.

L-Impriża Konġunta “Clean Sky” tuża l-għodod tat-Teknoloġija taI-Informazzjoni ta’ ġestjoni finanzjarja tal-Kummissjoni, li jistgħu jkunu meqjusa bħala sistemi robusti. Madankollu, żvilupp ulterjuri ta’ proċessi u politiki tat- Teknoloġija taI-Informazzjoni hu meħtieġ biex jiżgura kontinwità fil-kummerċ.

26.

Il-proċedura stabbilita fir-Regoli Finanzjarji tal-’Clean Sky’ u l-Ftehim Ġenerali mal-Kummissjoni għat-talba għal pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-Kummissjoni ma kinitx applikata b’mod xieraq. Il-Qorti ttestjat ħames ordnijiet ta’ rkupru, u sabet li f’kull każ, it-talba għal pagament ma kinitx akkumpanjata mit-tbassir ta’ fluss meħtieġ ta’ likwidità.

Il-Funzjoni ta’ Verifika Interna u s-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni

27.

F’konformità mal-opinjonijiet espressi fl-Opinjonijiet tagħha Nru 4/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta tal-Fużjoni għall-Enerġija u n-Nru 2/2010 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta SESAR, il-Qorti tqis li d-dispożizzjoni kurrenti fl-Istatuti tal-Impriża Konġunta dwar ir-rwol tal-awditur intern tal-Kummissjoni għandha tiġi kkjarifikata.

28.

L-Artikolu 11 tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta'Clean Sky' jiddikjara li l-funzjonijiet tal-awditur intern tal-Kummissjoni għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta. Fl-opinjoni tal-Qorti, arranġament bħal dan huwa xieraq għall-funzjoni tal-verifika interna fl-Impriża Konġunta iżda mhux għall-awditur intern tal-Kummissjoni, li r-responsabbiltajiet tiegħu għandhom x’jaqsmu mal-baġit ġenerali tal-UE b’mod globali.

Nuqqas ta’ ftehim dwar l-Istat ospitanti

29.

Skont ir-Regolament tal-Kunsill ta’ Diċembru 2007 li jwaqqaf l-Impriża Konġunta, għandu jiġi konkluż ftehim ospitanti bejn l-Impriża Konġunta “Clean Sky” u l-Belġju dwar il-post tal-uffiċċju, privileġġi u immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jiġi pprovdut mill-Belġju bħala stat ospitanti għall-Impriża Konġunta “Clean Sky”. Dakinhar tal-verifika, ebda ftehim bħal dan ma kien ġie ffirmat.

Dan ir-rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sur Morten LEVYSOHN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President

Tabella

L-Impriża Konġunta “Clean Sky” (Brussell)

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

Kompetenzi tal-Impriża Konġunta kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008

Tmexxija

Riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2009

Kisbiet ewlenin for 2009

L-Artikoli 187 u 188 tat-Trattat li jistabbilixxu l-Unjoni Ewropea.

Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tipprevedi kontribut tal-Unjoni għat-twaqqif ta’ sħubiji pubbliċi-privati fit-tul f'forma ta’ Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs, Joint Technology Initiatives) li jistgħu jkunu implimentati permezz ta’ Impriżi Konġunti skont it-tifsira tal-Artikolu 187 tat-Trattat.)

Objettivi

L-Impriża Konġunta “Clean Sky” għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru u b'mod partikolari tat-Tema 7, Trasport (inkluża l-Aeronawtika) tal-Programm Speċifiku Kooperazzjoni.

a)

li taċċelera fl-UE l-iżvilupp, il-validazzjoni u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji nodfa għat-Trasport bl-Ajru għall-użu mill-aktar fis possibbli;

b)

li tiżgura l-implimentazzjoni koerenti tal-isforzi tar-riċerka Ewropej li jimmiraw għat-titjib ambjentali fil-qasam tat-Trasport bl-Ajru;

c)

li toħloq Sistema tat-Trasport bl-Ajru radikalment innovattiva, abbażi tal-integrazzjoni ta’ teknoloġiji avvanzati u dimostrazzjonijiet fuq skala kbira, bil-mira li jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bl-ajru permezz ta’ tnaqqis sinifikanti tal-ħoss u l-emissjonijiet ta’ gass, flimkien ma' titjib tal-ekonomija tal-fjuwil fl-ajruplani;

d)

li taċċellera l-ħolqien ta’ konoxxenza ġdida, l-innovazzjoni u l-użu tar-riċerka bi prova tat-teknoloġiji rilevanti u sistema ta’ sistemi kompletament integrata, fl-ambjent operattiv adegwat, li jwasslu għal kompetittività industrijali aktar b'saħħitha.

Kompiti

a)

tgħaqqad flimkien firxa ta’ Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata bl-enfasi fuq teknoloġiji innovattivi u l-iżvilupp ta’ dimostraturi fuq skala sħiħa;

b)

tiffoka l-isforzi fid-Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata fuq riżultati importanti li jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali u tal-kompetittività tal-Ewropa;

c)

ttejjeb il-proċess tal-verifika tat-tekonoloġija sabiex tidentifika u tneħħi l-ostakoli għall-penetrazzjoni futura tas-suq;

d)

tiġbor flimkien ir-rekwiżiti tal-utenti biex tiggwida l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp lejn soluzzjonijiet operazzjonali u kummerċjalizzabbli;

e)

timplimenta l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp meħtieġa, fejn ikun xieraq billi tagħti għotjiet wara sejħiet għal proposti;

f)

tagħmel għotjiet li jappoġġaw riċerka mwettqa mill-Membri tagħha u minn entitajiet oħra magħżula wara sejħiet għal proposti skont il-kriterji miftuħa maqbula mill-Bord ta’ Tmexxija;

g)

tippubblika informazzjoni dwar il-proġetti, inkluż l-isem tad-destinatarji u l-ammont tal-kontribut finanzjarju tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” għal kull destinatarju;

h)

tiżgura l-provvista ta’ kuntratti għal servizzi u għal provvisti, fejn ikun adegwat, permezz ta’ Sejħiet għal Offerti;

i)

timmobilizza l-finanzjament meħtieġ mis-settur pubbliku u dak privat;

j)

tikkonsulta mal-attivitajiet nazzjonali u internazzjonali fil-qasam tekniku tal-Impriża Konġunta, b'mod partikolari mal-Impriża Konġunta SESAR;

k)

tinforma, permezz ta’ laqgħat perijodiċi lill-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati Nazzjonali u tinvolvi lil ACARE;

l)

tinnotifika entitajiet ġuridiċi li jkunu kkonkludew ftehim dwar għotja mal-Impriża Konġunta “Clean Sky”, bl-opportunitajiet potenzjali għal self mill-Bank ta’ Investiment Ewropew, b'mod partikolari il-Faċilità ta’ Finanzjament għall-Qsim tar-Riskju stabbilita skont is-Seba ' Programm Kwadru;

m)

tistimula l-involviment ta’ SMEs fl-attivitajiet tagħha, skont l-objettivi tas-Seba ' Programm Kwadru għar-Riċerka; f'dan ir-rigward l-Impriża Konġunta “Clean Sky” għandha tistabbilixxi miri kwantitattivi rilevanti skont dawk stabbiliti fis-Seba ' Programm Kwadru;

n)

tiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib u tiżgura koordinazzjoni ma' attivitajiet Ewropej (b'mod partikolari l-Programm Kwadru), nazzjonali u transnazzjonali relatati.

1 —   Bord ta’ Tmexxija

Il-Bord ta’ Tmexxija huwa l-korp ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”.

2 —   Kumitat ta’ Tmexxija ITD

Il-Kumitati ta’ Tmexxija tad-Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata (ITD) għandhom jiġu stabbiliti mill-Bord ta’ Tmexxija għal kull wieħed mis-sitt Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata. Għandhom jiġu stabbiliti l-ITDs segwenti:

a)

Inġenji tal-Ajru Intelliġenti bil-Ġwienaħ Fissi

b)

Inġenji tal-Ajru Reġjonali Ambjentali

c)

Inġenji tal-Ajru Ambjentali kbar li jaħdmu bir-rotors

d)

Sistemi għal Operazzjonijiet Ambjentali

e)

Magna Ambjentali u Sostenibbli

f)

Eko-Disinn.

3 —   Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati Nazzjonali

Il-Grupp ta’ Rappreżentanti tal-Istati Nazzjonali għandu jkun kompost minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u minn kull pajjiż assoċjat mal-Programm Kwadru. Hu għandu jeleġġi president minn fost il-membri tiegħu.

4 —   Il-Forum Ġenerali.

Il-Forum Ġenerali huwa korp konsultattiv tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”. Il-Forum Ġenerali għandu jkun kompost minn rappreżentant wieħed minn:

(a)

kull Membru tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”;

(b)

kull Imsieħeb.

5 —   Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għat-tmexxija ġenerali tal-Impriża Konġunta “Clean Sky” u huwa r-rappreżentant ġuridiku tagħha. Għandu jirraporta u jirrispondi għal għemilu lill-Bord ta’ Tmexxija.

6 —   Verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

7 —   Awtorità ta’ Kwittanza:

Il-Parlament fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Bagit

EUR 95,23 miljun li minnhom EUR 91 miljun iffinanzjati mill-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE; EUR 3,39 miljun kontribuzzjoni ta’ flus kontanti u EUR 91,84 miljun kontribuzzjoni in natura minn membri ta’ industrija privata previsti

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2009

18-il kariga temporanja fil-pjan ta’ stabbiliment li minnhom 10 kienu sal-31.12.2009 (inkluża kariga 1 CA).

Għadd totali tal-persunal: 10

assenjati fid-doveri li ġejjin:

kompiti operazzjonali: 2

kompiti amministrattivi u ta’ sostenn: 4

kompiti mħallta: 4

Operazzjonali:

Inġenji tal-Ajru Intelliġenti bil-Ġwienaħ Fissi: għażla tad-dimostratur ta’ veloċità qawwija u ajruplan ta’ test bir-rotor miftuħ li jaħdem bil-kontra;

Inġenji tal-Ajru Reġjonali Ambjentali:definizzjoni tar-rekwiżiti ewlenin għal strutturi primarji; skrining ta’ teknoloġiji affidabbli għal konfigurazzjoni ta’ ħsejjes baxxi

Inġenji tal-Ajru Ambjentali kbar li jaħdmu bir-rotors: definizzjoni ta’ rotor bażi għal xfafar innovattivi, għodod għal ġestjoni fuq l-inġenji tal-ajru ta’ rotot ta’ titjiriet bi ħsejjes baxxi;

Magni Sostenibbli u Ambjentali: Disinn tas-sistema tal-iskrun inizjali u disinn preliminari ta’ moduli bi studji ta’ konfigurazzjoni kompluti

Sistemi għal Operazzjonijiet Ambjentali: għoti tad-data ta’ referenza kollha u speċifikazzjoni ta’ livell għoli għal ajruplan kbir, għażla tal-ġestjoni tat-titjira;

Eko-Disinn: Rekwiżiti ta’ finalizzazzjoni għal materjali ġodda ekoloġiċi , proċess ta’ fabbrikazzjoni, struttura li sservi għal żmien twil u tmiem tal-użu tal-ajruplan;analiżi tal-ogħla livell biex tenfasizza aktar minn 150 kandidat teknoloġiku;

It-tnedija tal-ewwel sejħa ta’ proposti u selezzjoni rilevanti (57 suġġett);

Kisbiet oħra ewlenin:

L-awtonomija ta’ Clean Sky inkisbet fis-16 ta’ Novembru 2009;

Proċedura konġunta għall-akkwiżizzjoni ta’ stabbiliment finali biex jospita lil Clean Sky tnediet flimkien mal-erba ' JTIs oħra.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.

IR-RISPOSTI TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

Implimentazzjoni tal-baġit

Paragrafu 17

Clean Sky tirrikonoxxi d-dgħjufijiet imsemmija rigward il-Baġit u l-Pjan ta' Stabbiliment u minn dakinhar solviet din is-sitwazzjoni b'deċiżjonijiet ġodda fuq dawn il-punti tal-Bord Governattiv għall-Baġit tal-2010.

Paragrafu 18

Clean Sky tirrikonoxxi r-rata baxxa ta' implimentazzjoni għall-ħlasijiet fl-2009, li kienet konsegwenza tal-fażi tal-bidu tal-IK. Wara li r-reklutaġġ kollu kien sar sa April 2010, Clean Sky ħadet passi biex tħallas fi żmien sodisfaċenti l-pagamanti għall-prefinanzjament mill-2010.

Paragrafu 19

Il-fażi tal-bidu tal-programm Clean Sky wasslet għal xi nuqqas ta' implimentazzjoni tal-baġit. L-Impriża Konġunta indirizzat il-ħtieġa għal titjib fuq dan il-punt mal-imsieħba industrijal tagħha u qed tinforza l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-baġit għall-2010.

Preżentazzjoni tal-kotba: il-kontribuzzjonijiet tal-membri

Paragrafi 20-22

L-Impriża Konġunta Clean Sky għandha l-ħsieb li tkompli ssir konformi mal-approċċ armonizzat tal-IK kollha u tilqa' kull gwida f'dan ir-rigward.

Sistemi Interni ta' Kontroll

Paragrafu 23

Clean Sky ser tkompli tiżviluppa l-kontrolli interni tagħha u qiegħda ddaħħal fis-seħħ metodi effiċjenti u konsistenti ta' xogħol li jikkonsidraw l-Istandards ta' Kontroll Intern tas-CS għall-ġestjoni effettiva, permezz ta' proċess ta' approċċ kompensiv.

Paragrafu 24

L-uffiċjal ta' Kontabilità kkonsidra l-kummenti tal-Qorti rigward il-validazzjoni tal-proċessi ta' negozju relatati u s-sistema ta' kontabilità u inkorpora stqarrija rigward il-validazzjoni tas-sistemi fiċ-Ċertifikat tal-Uffiċjal ta' Kontabilità fil-kontijiet Finali. Hija ser tkompli taħdem fuq dan fl-2010 peress li dawn il-proċessi jibdew jimmaturaw.

Paragrafu 25

Clean Sky tikkonsidra l-kument tal-Qorti u qed tieħu passi biex ittejjeb il-proċessi u l-politiki tal-IT. L-aspetti ta' tkomplija tan-negozju qegħdin jiġu żviluppati flimkien ma' Impriżi Konġunti oħra, li magħhom Clean Sky taqsam tal-infrastruttura tal-IT tagħha.

Paragrafu 26

Clean Sky għandha l-ħsieb issegwi l-proċedura msemmija fil-Ftehim ta' Finanzjament mal-Kummissjoni Ewropea għat-talbiet ta' installazzjonijiet tagħha fil-futur. Fl-2010, twaqqaf mekkaniżmu għas-sorveljanza tat-tbassir tal-flejjes fl-idejn.

Il-Funzjoni ta' Verifika Interna u s-Servizz ta' Verifika Interna tal-Kummissjoni

Paragrafi 27-28

Clean Sky indirizzat dil-problema mas-Servizz ta' Verifika Interna tal-Kummissjoniu u ma' DĠ Riċerka f'nota konġunta maħruġa f'Marzu 2010 mid-Diretturi Eżekuttivi ta' Clean Sky u l-Inizjattiva ta' Impriża Konġunta għal Mediċini Innovattivi.

Nuqqas ta' ftehim ta' Stat Ospitanti

Paragrafu 29

Clean Sky tkompli tikkoopera għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' ftehim ta' Stat Ospitanti u tistenna l-eżitu tal-passi li jmiss fuq il-proċedura biex ikollha ftehim iffirmat.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta “Clean Sky” (ĠU L 30, 4.2.2008, p.1).

(2)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti ta’ approprijazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(3)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludu d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  Ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża “Clean Sky” adottati bid-Deċiżjoni tal-Bord Governattiv tagħha fis-7 ta’ Novembru 2008.

(7)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(8)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma inkorporati fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta “Clean Sky”.

(10)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifiki (ISSAI).


16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/15


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2009, flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2010/C 342/03

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI …

1-5

16

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI …

6-15

16

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA …

16-19

17

KWISTJONIJIET OĦRA …

20-25

17

Tabella…

18

Ir-risposti tal-Impriża Konġunta

21

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta Ewropea għall-implimentazzjoni tal- Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi (L-Impriża Konġunta IMI), tinsab fi Brussel u twaqqfet f'Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta' 10 snin.

2.

Il-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni u l-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA).

3.

L-objettiv tal-Impriża Konġunta IMI huwa li ttejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza u l-effettività tal-proċess ta' żvilupp tal-mediċini bil-għan li fuq terminu ta' żmien twil is-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effettivi u siguri (ara t- Tabella).

4.

Il-kontribuzzjoni massima tal-UE lill-Impriża Konġunta IMI biex jiġu koperti l-ispejjeż kurrenti u l-attivitajiet tar-riċerka hija ta' EUR biljun li jridu jitħallsu mis-Seba' Programm Qafas tar-Riċerka. L-UE u l-EFPIA, bħala membri fundaturi, suppost li għandhom jikkontribwixxu b'mod ugwali għall-ispejjeż tal-ġestjoni, b'kull wieħed jikkontribwixxi ammont li ma jeċċedix l-4 % tal-kontribuzzjoni totali tal-UE. Membri oħra għandhom jikkontribwixxu l-ispejjeż tal-ġestjoni proporzjonalment mal-kontribuzzjoni tagħhom għall-attivitajiet tar-riċerka. Il-kumpaniji tar-riċerka li huma membri tal-EFPIA għandhom jikkontribwixxu għall-finanzjament ta' attivitajiet ta' riċerka permezz ta' kontribuzzjonijiet in natura minn tal-inqas ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE. Membri ġodda għandhom ukoll jipprovdu finanzjament għall-attivitajiet tar-riċerka.

5.

L-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu fis-16 ta' Novembru 2009.

15.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

L-implimentazzjoni tal-baġit

16.

Il-baġit finali kin jinkludi approprijazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 82 miljun u approprijazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 82 miljun. Minħabba li sal-aħħar tal-2009 ftit attivitajiet tal-proġetti kienu nbdew, il-baġit għall-pagamenti ma kienx realistiku. Fil-fatt, filwaqt li r-rata ta' użu għall-approprijazzjonijiet tal-impenn kienet 97 %, ir-rata tal-approprijazzjonijiet tal-pagament kienet biss 1 %.

Preżentazzjoni tal-kontijiet: kontribuzzjonijiet mill-membri

17.

Il-Qorti tinnota li l-attivitajiet tal-Impriżi Konġunti tal-UE huma ffinanzjati b'kontribuzzjonijiet mill-membri tagħhom, u li l-Intrapriżi Konġunti fil-fatt m'għandhom ebda kapital. Il-Qorti rrakkomandat li din il-karatteristika speċifika tal-Intrapriżi Konġunti tiġi ppreżentata b'mod ċar fil-kontijiet.

18.

Il-Qorti għalhekk tilqa' l-fatt li, skont ir-Regola 1 tal-Kontabilità tal-UE (Kontabilità tal-Gruppi), il-kontribuzzjonijiet mill-membri huma ppreżentati taħt l-Attivi Netti fil-Karti tal-Bilanċ tal-Intrapriżi Konġunti, u li informazzjoni ulterjuri dwar in-natura tal-kontribuzzjonijiet hija mogħtija fin-Noti għall-Kontijiet.

19.

Il-Qorti tikkunsidra li l-preżentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet mill-membri fil-Kontijiet għall-Impriżi Konġunti għandhom jiġu armonizzati safejn huwa possibbli u tinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ gwida dettaljata dwar dan għall-Intrapriżi Konġunti.

KWISTJONIJIET OĦRA

Sistemi ta' kontroll intern

20.

L-Impriża Konġunta għadha kemm bdiet u matul l-2009 kienet għadha ma implimentatx il-kontrolli interni u s-sistemi ta' informazzjoni finanzjarja tagħha. Fl-aħħar tas-sena, il-proċessi li fuqhom huwa bbażat il-kummerċ kienu għadhom ma ġewx ifformalizzati u kienu għadhom ma ġewx ivvalidati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità hekk kif meħtieġ mir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta.

21.

B'mod partikolari, hemm bżonn li jsir aktar xogħol fid-dokumentazzjoni tal-proċessi u l-attivitajiet tal-IT, u d-deskrizzjoni tar-riskji tal-IT. Barra minn hekk l-Impriża Konġunta kienet għadha ma żviluppatx Pjan ta' Kontinwità tal-Kummerċ u lanqas politika tal-protezzjoni tad-data fl-2009.

Nuqqas ta' ftehim dwar l-ospitalità

22.

Skont ir-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Konġunta għall-IMI, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-ospitalità bejn l-Impriża Konġunta għall-IMI u l-Belġju dwar l-akkomodazzjoni għall-uffiċċji, il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jipprovdi l-Belġju lill-Impriża Konġunta. Iżda, sal-aħħar tal-2009 ebda ftehim bħal dan kien għadu ma sar.

Il-Funzjoni tal-Verifika Interna u s-Servizz tal-Verifika Interna tal-Kummissjoni

23.

L-Artikolu 73 tar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta jistipola li l-Impriża Konġunta għandha jkollha funzjoni tal-verifika interna li għandu jkun konformi mal-istandards internazzjonali relevanti. Iżda, sal-aħħar tal-2009, dan l-element importanti tas-sistema ta' kontroll intern kien għadu ma ġiex stabbilit.

24.

Bi qbil mal-opinjonijiet espressi fl-Opinjonijiet tagħha Nru 4/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju Impriża Konġunta tal-Enerġija mill-Fużjoni u Nru 2/2010 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta ta' SESAR, il-Qorti tikkunsidra li d-dispożizzjoni preżenti fl-Istatuti tal-Impriża Konġunta dwar ir-rwol tal-awditur intern tal-Kummissjoni għandha tiġu ċċarata.

25.

L-Artikolu 10 tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta IMI jiddikjara li l-funzjonijiet tal-awditur intern tal-Kummissjoni għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tal-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta. Arranġament bħal dan huwa xieraq għall-funzjoni ta' verifika interna fi ħdan l-Impriża Konġunta imma mhux għall-awditur intern tal-Kummissjoni, li r-responsabbiltajiet tiegħu għandhom x'jaqsmu mal-baġit ġenerali tal-UE fl-intier tiegħu.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sur Morten LEVYSOHN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tal-20 ta' Ottubru 2010.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President

Tabella

Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi (Brussell)

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati mit-Trattat

Kompetenza tal-Impriża Konġunta kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill 73/2008

Tmexxija

Riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2009

Kisbiet prinċipali għall-2009

Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Titolu XIX “Ir-Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Ispazju”.

L-Artikolu 187 (l-eks Artikou 171 TKE) jistabbilixxi li:

L-Unjoni tista’ toħloq impriżi komuni [konġunti] jew kull struttura oħra neċessarja għall-esekuzzjoni [eżekuzzjoni] effiċjenti tal-programmi tar-riċerka ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimonstrazzjoni tal-Unjoni.

L-Artikolu 188.1 (l-eks Artikolu 172.1 TKE) jistabbilixxi li:

Il-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jadotta d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 187.

Objettivi

L-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill 73/2008 jistabbilixxi li:

L-Impriża Konġunta għall-IMI għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru [Qafas] u b'mod partikolari t-Tema “Saħħa” tal-Programm Speċifiku Kooperazzjoni li jimplimenta s-Seba' Programm Kwadru. Hija għandha jkollha l-objettiv li ttejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza u l-effettività tal-proċess ta’ żvilupp tal-mediċini bil-għan fuq perjodu fit-tul li s-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effettivi u siguri. B'mod partikolari, hi għandha:

(a)

tappoġġa “ir-riċerka u l-iżvilupp farmaċewtiċi prekompetittivi” fl-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba' Programm Kwadru permezz ta’ approċċ ikkoordinat sabiex jingħelbu l-ostakoli fir-riċerka identifikati fil-proċess tal-izvilupp tal-mediċini;

(b)

tappoġġa l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ riċerka kif stabbiliti mill-Aġenda ta’ Riċerka tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar “Mediċini Innovattivi” (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Attivitajiet ta’ Riċerka”), b'mod partikolari permezz ta’ għotjiet wara sejħiet kompetittivi għal proposti;

(ċ)

tiżgura l-komplimentarjetà ma’ attivitajiet oħrajn tas-Seba' Programm Kwadru;

(d)

tkun sħubija pubblika-privata bil-għan li żżid l-investimenti tar-riċerka fis-settur bijofarmaċewtiku, fl-Istati Membri u fil-pajjiżi assoċjati mas-Seba' Programm Kwadru billi jinġabru r-riżorsi u titrawwem il-kollaborazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati

(e)

tippromwovi l-involviment tal-SMEs fl-attivitajiet tagħha, b'konformità mal-objettivi tas-Seba' Programm Kwadru.

Tasks

L-Artikolu 1 tal-Istatuti anessi mar-Regolament tal-Kunsill jistabbilixxi li:

Il-kompiti u l-attivitajiet prinċipali tal-Impriża Konġunta IMI għandhom ikunu:

(a)

li jiġu żgurati l-istabbiliment u l-ġestjoni sostenibbli tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar “Mediċini Innovattivi”;

(b)

li jiġi definit u mwettaq il-pjan ta’ implimentazzjoni annwali msemmi fl-Artikolu 18 permezz ta’ sejħiet għal proġett;

(c)

li ssir reviżjoni regolari u jsiru l-aġġustamenti meħtieġa għall-Aġenda ta’ Riċerka tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar Mediċini Innovattivi fid-dawl ta’ żviluppi xjentifiċi li jseħħu waqt l-implimentazzjoni tagħha;

(d)

li r-riżorsi meħtieġa tas-settur pubbliku u privat jiġu mobilizzati;

(e)

li tiġi stabbilita u żviluppata kooperazzjoni mill-qrib u għall-perjodu fit-tul bejn l-Unjoni, l-industrija u l-partijiet interessati l-oħra bħal korpi regolatorji, organizzazzjonijiet tal-pazjenti, l-akkademja u ċ-ċentri kliniċi, kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-industrija u l-akkademja;

(f)

li tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni mal-attivitajiet nazzjonali u internazzjonali f'dan il-qasam;

(g)

li jitwettqu attivitajiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni;

(h)

li jkun hemm komunikazzjoni u interazzjoni mal-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mas-Seba' Programm Kwadru permezz ta’ grupp stabbilit speċifikament għal dan il-għan, il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati għall-IMI;

(i)

li tiġi organizzata mill-anqas laqgħa annwali, minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Forum tal-Partijiet Interessati mal-gruppi ta’ interess biex jiġu żgurati ftuħ u trasparenza tal-Attivitajiet ta’ Riċerka tal-Impriza Konġunta għall-IMI mal-partijiet interessati tagħha;

(j)

li jiġu avżati l-entitajiet ġuridiċi li jkunu kkonkludew ftehim ta’ għotja, mal-Impriza Konġunta għall-IMI bl-opportunitajiet ta’ self potenzjali mill-Bank Ewropew tal-Investiment, b'mod partikolari l-Faċilità għat-Tqassim tar-Riskju Finanzjarju stabbilita skont is-Seba' Programm Kwadru.

(k)

li tiġi ppubblikata informazzjoni dwar il-proġetti, inkluż isem il-parteċipanti u l-ammont ta’ kontribuzzjoni finanzjarja kull parteċipant għall-Impriża Konġunta IMI;

(l)

li tiġi żgurata l-effiċjenza tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar “Mediċini Innovattivi”;

(m)

li titwettaq kwalunkwe attività oħra meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

1 —   Bord ta’ Tmexxija

Il-Bord ta’ Tmexxija huwa l-korp prinċipali li jieħu d-deċiżjonijiet tal-Impriża Konġunta IMI u għandu jkun responsabbli mis-sorveljanza tal-Impriża Konġunta fil-kisba tal-objettivi tagħha. Huwa jiżgura kollaborazzjoni bejn l-Impriża Konġunta u l-Membri tagħha fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha. Huwa għalhekk jiggarantixxi l-ilħuq tal-objettivi stabbiliti mill-Impriża Konġunta IMI, partikolarment billi jingħelbu ostakli fir-riċerka u l-iżvilupp farmaċewtiċi u billi jappoġġa r-riċerka biomedika għall-benefiċċju tal-pazjenti.

2 —   Direttur Eżekuttiv

Id-Direttur Eżekuttiv – maħtur mill-Bord ta’ Tmexxija - għandu jkun il-kap eżekuttiv responsabbli mill-ġestjoni ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta għall-IMI skont id-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ Tmexxija. F'dak il-kuntest, hu għandu jinfurma regolarment lill-Bord ta’ Tmexxija u lill-Kumitat Xjentifiku kif ukoll iwieġeb għal kwalunkwe talba speċifika ad hoc tagħhom għal informazzjoni. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun ir-rappreżentant legali tal-Impriża Konġunta għall-IMI. Hu/hija għandu/ha jwettaq/twettaq il-kompiti tiegħu/tagħha b'independenza sħiħa, u jkun/tkun responsabbli lejn il-Bord ta’ Tmexxija.

3 —   Kumitat Xjentifiku

Il-Kumitat Xjentifiku huwa korp konsultattiv għall-Bord ta’ Tmexxija u għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu b'kollaborazzjoni mill-qrib ma’ u bl-appoġġ tal-Uffiċċju Eżekuttiv.

Il-Kumitat Xjentifiku għandu jagħti pariri dwar l-Aġenda tar-Riċerka fuq il-prijoritajiet xjentifiċi għall-proposta tal-pjan ta’ implimentazzjoni annwali u dwar il-kisbiet xjentifiċi deskritti fir-rapport ta’ attività annwali.

L-Impriża Konġunta IMI hija appoġġata wkoll minn żewġ korpi konsultattivi esterni:

4 —   Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati fl-IMI

Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati fl-IMI għandu jikkonsisti minn rappreżentat wieħed ta’ kull Stat Membru u ta’ kull pajjiż assoċjat mal-Programm Kwadru. Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati fl-IMI għandu jkollu rwol konsultattiv għall-Impriża Konġunta għall-IMI u għandu jaġixxi bħala l-kollegament bejn l-Impriża Konġunta għall-IMI u l-partijiet interessati rilevanti fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

5 —   Forum tal-Partijiet Interessati

Il-Forum tal-Partijiet Interessati huwa laqgħa miftuħa għall-partijiet interessati kollha biex jingħataw il-kummenti u mlaqqa' mill-inqas darba fis-sena mid-Direttur Eżekuttiv.

6 —   Verifika Esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

7 —   Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Baġit

EUR 81,9 miljun ffinanzjati mill-Kontribuzzjoni tal-Unjoni u 50 % tal-ispejjeż tal-ġestjoni miġjuba mingħand EFPIA (0,5 miljun)

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2009

29 kariga fil-pjan ta’ Stabbiliment Annwali li minnhom 12 okkupati sal-31/12/2009 u assenjati għad-doveri li ġejjin:

Direttur Eżekuttiv: 1

Xjentifiċi: 3

Kompiti operazzjonali: 5

Kompiti amministrattivi: 3

Il-Kompożizzjoni tal-Impriża Konġunta IMI u t-tmexxija

Il-Bord ta’ Tmexxija ltaqa’ 3 darbiet;

Il-Kumitat Xjentifiku wkoll iltaqa’ 3 darbiet.

Il-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati ltaqa’ darbtejn.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta, Michel Goldman, ġie maħtur mill-Bord ta’ Tmexxija fl-10 ta’ Ġunju 2009 u beda fil-pożizzjoni tiegħu fis-16 ta’ Settembru 2009. Sa din id-data d-Direttur Eżekuttiv interim maħtur mill-Kummissjoni Ewropea, Alain Vanvossel, wettaq id-dmirijiet ta’ Direttur Eżekuttiv Interim.

Il-kompitu prinċipali għall-2009 kien l-azzjonijiet preparatorji meħtieġa għall-awtonomija tal-Impriża Konġunta IMI li ġiet mogħtija fis-16 ta’ Novembru 2009.

Dawn l-azzjonijiet inkludew b’mod partikolari r-reklutaġġ tal-persunal u t-tħejjija tal-uffiċċji tal-Impriża Konġunta IMI u proċeduri għal azzjonijiet amministrattivi u operazzjonali.

Permezz tal-awtonomija l-Impriża Konġunta IMI kellha l-kapaċità operazzjonali li timplimenta l-baġit tagħha. Sa dan il-mument il-Kummissjoni Ewropea (KE) kienet responsabbli għall-istabbiliment u l-operazzjonijiet tal-bidu tal-Impriża Konġunta IMI b’kollaborazzjoni mal-Membr Fundatur l-ieħor skont l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilxxi l-Impriża Konġunta IMI.

Sejħa għall-Proposti u tmexxija tal-Proġetti

L-ewwel Sejħa għall-porposti, varata fl-2008 – ġiet finalizzata u ġew magħżula15-il proposta għall-proġetti fil-proċess ta’ sejħa f’żewġ stadji bl-assistenza ta’ esperti indipendenti. Maġġoranza ta’ Ftehimiet tal-Għotja ntbagħtet lill-Koordinaturi tal-Proġetti għall-firma u 10 minnhom bdew sal-aħħar tas-sena.

It-tieni sejħa għall-proposti tal-Impriża Konġunta ġiet varata fis-27 ta’ Novembru 2009 bl-iskadenza għall-ewwel stadju fi Frar 2010.

Infrastruttura tal-IT

Twaqqfet l-infrastruttura tal-IT fil-lok temporanju tal-Impriża Konġunta IMI. Din se tiġi ddisinjata mill-ġdid u se titwaqqaf mill-ġdid fil-bini futur.

L-għodda tal-preżentazzjoni ġiet iddisinjata kompletament mill-ġdid b’modulu dedikat disponibbli pubblikament għal konsorzji applikanti li jippermetti l-preżentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-Espressjonijiet ta’ Interess (stadju 1 tas-Sejħiet għall-proposti).

Komunikazzjoni

Matul l-2009 saru tliet avvenimenti kbar tal-komunikazzjoni. Sar avveniment għall-istampa fl-14 ta’ Settembru fl-okkażjoni tal-preżentazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv il-ġdid, u għall-preżentazzjoni tas-suġġetti tat-tieni sejħa għall-proposti tal-IMI.

Saret ġurnata ta’ informazzjoni fis-17 ta’ Novembru fejn l-applikanti potenzjali ġew infurmati dwar it-tieni Sejħa.

Fil-15 ta’ Diċembru sar Avveniment dwar l-awtonomija.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.

IR-RISPOSTI TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

Implimentazzjoni tal-baġit

Paragrafu 16

L-Impriża Konġunta IMI tagħraf ir-rata baxxa ta' implimentazzjoni għall-ħlasijiet fl-2009, li kienet konsegwenza tal-fażi tal-bidu tal-impriża konġunta.

Sistemi Interni ta' Kontroll

Paragrafi 20-21

L-Impriża Konġunta IMI rrikonoxxiet il-kummenti tal-Qorti. L-Impriża Konġunta tkompli tiżviluppa l-kontrolli interni tagħha u qed tieħu passi biex tindirizza l-punti msemmija mill-Qorti.

Nuqqas ta' ftehim ta' Stat Ospitanti

Paragrafu 22

L-IMI Impriża Konġunta tkompli tikkopera għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' ftehim ta' Stat Ospitanti u tistenna l-eżitu tal-passi li jmiss fuq il-proċedura biex ikollha ftehim iffirmat.

Il-Funzjoni ta' Verifika Interna u s-Servizz ta' Verifika Interna tal-Kummissjoni

Paragrafu 23

Għandu jinħatar awditur intern b’effett minn Novembru 2010.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 38).

(2)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta' implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet flimkien ma' informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti ta' approprijazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(3)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, kif ukoll deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta' spjegazzjoni.

(4)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u f'informazzjoni oħra ta' spjegazzjoni.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  Ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta IMI adottati bid-Deċiżjoni tal-Bord ta' Tmexxija tagħha fit-2 ta' Frar 2009.

(7)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(8)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VI tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 tad-9 ta' Lulju 2008 (ĠU L 181, 10.07.2008, p. 23) u huma inkorporati fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta IMI.

(10)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).


16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/22


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Intrapriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2009 flimkien mar-risposti tal-Intrapriża Konġunta

2010/C 342/04

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI …

1-4

23

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI …

5-14

23

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA …

15-18

24

KWISTJONIJIET OĦRAJN …

19-33

24

Tabella …

26

Ir-risposti tal-Intrapriża Konġunta

27

INTRODUZZJONI

1.

L-Intrapriża Konġunta Ewropea għall-ITER (1) u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni twaqqfet f’Marzu 2007 (2) għal perjodu ta’ 35 sena. Filwaqt li l-faċilitajiet tal-fużjoni prinċipali għandhom jiġu żviluppati f’Cadarache fi Franza, l-Intrapriża Konġunta tinsab f’Barċellona.

2.

Il-Membri tal-Intrapriża Konġunta huma l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri tal-Euratom u pajjiżi oħra li kkonkludew ftehimiet ta’ koperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kkontrollata u li esprimew ix-xewqa tagħhom li jsiru Membri (fil-31 ta’ Diċembru 2009: L-Iżvizzera).

3.

Il-kompiti tal-Intrapriża Konġunta huma (ara wkoll it-Tabella):

a)

li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-EURATOM lill-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni (3);

b)

li tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-EURATOM lill-Attivitajiet ta’ “Approċċ Aktar Wiesa’” (attivitajiet komplementari u konġunti ta’ riċerka dwar il-fużjoni) mal-Ġappun għall-ħolqien rapidu tal-enerġija mill-fużjoni;

c)

li tħejji u tikkoordina programm ta’ attivitajiet bi tħejjija għall-bini ta’ reattur tal-fużjoni ta’ dimostrazzjoni u faċilitajiet relatati inkluża l-Faċilità Internazzjonali għall-Irradjazzjoni tal-Materjali ta’ Fużjoni (International Fusion Materials Irradiation Facility).

4.

Meta twaqqfet l-Intrapriża Konġunta, ir-riżorsi totali li kienu meqjusa neċessarji għall-perjodu 2007 sal-2041 kienu ta’ EUR 9 653 miljun. Il-kontribuzzjoni totali minn Euratom ġiet stabbilita bħala EUR 7 649 miljun, li minnha massimu ta’ 15 % huma għan-nefqa amministrattiva. Riżorsi oħrajn jikkonsistu f'kontribuzzjonijiet mill-istat li jilqa’ l-faċilitajiet tal-ITER (Franza), il-kontribuzzjonijiet tas-sħubija annwali, kontribuzzjonijiet volontarji minn Membri oħra għajr il-Euratom u riżorsi addizzjonali li jridu jiġu rċevuti skont it-termini approvati mill-Bord ta’ Tmexxija. Il-Qorti tiġbed l-attenzjoni li hemm bżonn li r-riżorsi għall-proġett tal-ITER jiżdiedu b'mod sostanzjali (ara l paragrafi 31 sa 33).

14.

Il-kummenti segwenti ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

L-implimentazzjoni tal-baġit

15.

Il-baġit finali tal-pagamenti awtorizzati għall-Intrapriża Konġunta għall-2009 ammonta għal EUR 173,6 miljun. Ir-rata ġenerali ta’ utilizzazzjoni għall-approprijazzjonijiet tal-pagament kienet ta’ 65,3 %. Fi ħdan din, ir-rata ta’ nefqa operazzjonali kienet ta’ 65,5 % u għan-nefqa amministrattiva kienet 64,2 %. Fl-aħħar tal-2009, l-Intrapriża Konġunta kellha depożiti bankarji ta’ EUR 42 miljun. L-infiq inqas, għandu x'jaqsam l-aktar ma’ dewmien fil-progress tal-programm tal-fużjoni tal-Euratom, hekk kif kien innutat ukoll mill-Qorti fl-2008.

Preżentazzjoni tal-kontijiet: il-kontribuzzjonijiet mill-membri

16.

Il-Qorti tinnota li l-attivitajiet tal-Intrapriżi Konġunti tal-UE huma ffinanzjati b'kontribuzzjonijiet mill-membri tagħhom, u li l-Intrapriżi Konġunti fil-fatt m'għandhom ebda kapital. Il-Qorti rrakkomandat li din il-karatteristika speċifika tal-Intrapriżi Konġunti tiġi ppreżentata b'mod ċar fil-kontijiet.

17.

Għall-kuntrarju tal-Intrapriżi Konġunti l-oħrajn tal-UE, l-Intrapriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni huma kompletament iffinanzjati mill-pubbliku. Għalhekk id-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regola 1 tal-Kontabilità tal-UE (Kontabilità tal-Gruppi) dwar il-preżentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet mill-membri taħt l-Attivi Netti fil-Karta tal-Bilanċ ma japplikawx għall-Intrapriża Konġunta għall-ITER, fejn il-kontribuzzjonijiet mill-membri huma ppreżentati taħt id-Dħul Operattiv fil-Kont tar-Riżultat Ekonomiku.

18.

Filwaqt li dan it-trattament fil-kontabilità huwa aċċettabbli għall-Intrapriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, il-Qorti tikkunsidra li, b'mod ġenerali, il-Kontijiet għall-Intrapriżi Konġunti għandhom jiġu armonizzati safejn huwa possibbli u tinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ gwida dettaljata dwar dan għall-Intrapriżi Konġunti.

KWISTJONIJIET OĦRAJN

Is-sistemi ta’ kontroll intern

19.

Filwaqt li tirrikonoxxi li l-Intrapriża Konġunta kienet fil-fażi tal-bidu fl-2008, il-Qorti osservat fir-Rapport preċedenti tagħha li l-Intrapriża Konġunta kienet għadha ma implimentatx is-sistema ta’ kontrolli interni u ta’ informazzjoni finanzjarja għal kollox.

20.

Għalkemm l-Intrapriża Konġunta matul l-2009 ħadet azzjoni biex tiżviluppa standards ta’ kontroll intern, xorta waħda fl-aħħar tal-2009, attivitajiet prinċipali tal-organizzazzjoni ma kinux formalizzati b'mod suffiċenti. Għodda xierqa għall-ġestjoni ta’ kuntratti operazzjoni ma kinitx ġiet stabbilita. L-implimentazzjoni u r-rappurtar tal-baġit huwa bbażat fuq l-użu ta’ spreadsheets. M'hemm ebda database biex l-informazzjoni operazzjonali, amministrattiva u finanzjarja tiġi ċċentralizzata.

21.

F’April 2009, l-istruttura dipartimentali tal-Intrapriża Konġunta kienet organizzata mill-ġdid. Fl-istruttura riveduta, il-funzjonijiet tal-baġit u tal-kontabilità tpoġġew taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Akkwisti, li jqajjem kwistjonijiet dwar jekk id-dmirijiet għall-attivitajiet finanzjarji u operazzjonali humiex separati kif suppost (ara wkoll il-paragrafu 31).

22.

Hekk kif diġa osservat fl-2008, il-proċessi ta’ negozju ta’ bażi għadhom ma ġewx validati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità kif meħtieġ mir-Regolament Finanzjarju tal-Intrapriża Konġunta.

23.

L-Intrapriża Konġunta stabbiliet servizz ta’ verifika interna f'Lulju 2009. Iżda, l-valutazzjoni tas-sistemi tal-maniġment u tal-effiċjenza tas-sistemi interni ta’ kontroll meħtieġa mir-Regolament Finanzjarju tal-Intrapriża Konġunta għadha ma saritx. Din il-valutazzjoni hija importanti speċjalment minħabba l-organizzazzjoni mill-ġdid interna magħmula mill-Intrapriża Konġunta fl-2009.

24.

Il-Qorti ttestjat kampjun ta’ 31 tranżazzjoni. F’żewġ każijiet, l-Intrapriża Konġunta għamlet impenji baġitarji biss wara li kienet diġà daħlet għal obbligi legali, kuntrarju għall-ħtiġijiet tar-Regoloment Finanzjarju u f’żewġ każijiet oħra, id-dokumenti ta’ sostenn kienu insuffiċjenti biex il-proċeduri ta’ validazzjoni mwettqa qabel ma jsiru l-pagamenti jiġu awtentikati.

25.

Għal pagament ta’ għotja vverifikat ta’ EUR 584 000, il-Qorti sabet li l-uffiċjal li awtorizza l-pagament kellu biss awtorità delegata biex jawtorizza l-pagamenti ta’ għotja li ma kinux jammontaw għal aktar minn EUR 200 000. Għal pagament ivverifikat ta’ aktar minn EUR 10 miljun fir-rigward ta’ xogħlijiet fuq il-preparazzjoni tas-sit, il-Qorti sabet evidenza biss ta’ kontrolli formali mill-Intrapriża Konġunta, li ma kinux suffiċjenti biex jagħtu assigurazzjoni prinċipalment fir-rigward tal-ħtiġijiet finanzjarji tal-ftehim tal-għotja u tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż.

Ħlas tard tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija

26.

Fl-2008, il-Qorti osservat li numru ta’ membri tal-Intrapriża Konġunta ma ħallsux il-kontribuzzjonijiet tas-sħubija tagħhom fi żmien l-iskadenza stabbilita mill-Bord tat-Tmexxija.

27.

Għall-2009, id-data ta’ għeluq għall-membri biex iħallsu l-kontribuzzjonijiet annwali tagħhom kienet il-31 ta’ Mejju 2009. Minkejja diversi tfakkiriet mibgħuta mill-Intrapriża Konġunta, fl-aħħar tas-sena żewġ membri kienu għadhom ma ħallsux il-kontribuzzjonijiet tas-sħubija tagħhom għall-2009.

Ir-Regolament Finanzjarju tal-Intrapriża Konġunta

28.

Il-Qorti identifikat għadd ta’ kwistjonijiet fl-2008 li minħabba fihom hija tikkunsidra li jinħtieġu emendi fir-Regolament Finanzjajru tal-Intrapriża Konġunta sabiex jissaħħaħ il-qafas finanzjarju tagħha (13). Fl-aħħar tal-2009, kienu għadhom ma ġew introdotti ebda emendi fir-Regolament Finanzjarju.

Ir-rwol tas-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni

29.

Il-Qorti, fl-Opinjoni Nru 4/2008 taghha nnutat li r-Regolament Finanzjarju tal-Intrapriża Konġunta ma jirreferix għall-poteri tal-awditur intern tal-Kummissjoni biex iwettaq verifiki tal-Intrapriża Konġunta.

30.

Il-Qorti ttenni li, skont ir-Regolament Finanzjarju Qafas, bħala regola ġenerali, l-awditur intern tal-Kummissjoni għandu poteri fir-rigward tal-korpi tal-UE, inklużi l-Intrapriżi Konġunti, li huma l-istess bħal dawk fir-rigward tad-dipartimenti tal-Kummissjoni.

L-istatus tal-proġett ITER

31.

F'Mejju 2010, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Istatus tal-proġett ITER (14). Il-Kummissjoni tikkonkludi li ż-żidiet sostanzjali fin-nefqa għall-ITER jeħtieġu reviżjoni tat-tmexxija tal-Intrapriża Konġunta, inklużi l-politiki tal-akkwist tagħha, u l-istabbiliment ta’ qafas finanzjarju sostenibbli. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa madwar EUR 1,4 biljun biex jiġu ssodisfati ż-żidiet fl-ispejjeż fil-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-ITER fl-2012 u fl-2013.

32.

Filwaqt li l-Kunsill ikkonferma s-sostenn tiegħu għall-proġett tal-ITER waqt il-laqgħat tiegħu f'Novembru 2009 u Lulju 2010, f'Settembru 2010 kemm il-Kunsill u kif ukoll il-Parlament Ewropew kienu għadhom iridu jagħtu l-kunsens tagħhom dwar il-finanzjament addizzjonali meħtieġ fl-2012 u fl-2013 għall-kontribuzzjoni tal-Euratom lill-proġett tal-ITER.

33.

Il-Qorti tinnota li dawn l-iżviluppi jistgħu jaffettwaw l-attivitajiet u l-baġit tal-Intrapriża Konġunta b'mod sinifikanti.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sur Morten LEVYSOHN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tal-20 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President

Tabella

L-Intrapriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Barċellona)

Oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

Kompetenzi tal-Intrapriża Konġunta kif definiti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom

Tmexxija

Riżorsi disponibbli għall-Intrapriża Konġunta fl-2009

Kisbiet prinċipali għall-2009

Il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

Il-Kapitolu 5 dwar “Intrapriżi Konġunti”, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u partikolarment

L-Artikolu 45:

Intrapriżi li huma ta' importanza fundamentali għall-iżvilupp tal-industrija nukleari fil-Komunità jistgħu jitwaqqfu bħala Intrapriżi Konġunti fi ħdan it-tifsira ta' dan it-Trattat, skont l-Artikoli li ġejjin.

L-Artikolu 49:

L-Intrapriżi Konġunti għandhom jitwaqqfu b'deċiżjoni tal-Kunsill. Kull Intrapriża Konġunta għandha jkollha l-personalità legali tagħha.

Objettivi

Tipprovdi l-kontribuzzjoni tal- Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) lill-Organizzazzjoni Internazzjonali ITER għall-Enerġija mill-Fużjoni;

Tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Euratom lill- Attivitajiet ta' Approċċ aktar Wiesa' mal-Ġappun għall-ħolqien rapidu tal-enerġija mill-fużjoni;

Tipprepara u tikkoordina programm ta' attivitajiet bi preparazzjoni għall-kostruzzjoni ta' reattur dimostrattiv li jaħdem bil-fużjoni u l-faċilitajiet relatati inkluża l-Faċilità Internazzjonali ta' irradjazzjoni tal-materjali permezz tal-fużjoni (IFMIF).

Kompiti

Tissorvelja t-tħejjija tas-sit tal-proġett tal-ITER;

tagħti komponenti, tagħmir, materjali u riżorsi oħrajn lill-Organizzazzjoni ITER;

iġġesti arranġamenti għall-akkwist rigward l-Organizzazzjoni ITER u, b'mod partikolari, proċeduri ta' assigurazzjoni tal-kwalità assoċjati;

tħejji u tikkoordina sehem il-Euratom fl-isfruttament xjentifiku u tekniku tal-proġett ITER;

tikkoordina riċerka xjentifika u teknoloġika u attivitajiet tal-iżvilupp bħala sostenn tal-kontribuzzjoni tal-Euratom għall-Organizzazzjoni ITER;

tagħti l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Euratom lill-Organizzazzjoni ITER;

tagħmel arranġamenti sabiex ir-riżorsi umani jkunu disponibbli għall-Organizzazzjoni ITER;

twettaq interface mal-Organizzazzjoni ITER kif ukoll kull attività oħra skont il-Ftehim tal-ITER.

1 —   Il-Bord ta' Tmexxija

Il-Bord ta' Tmexxija għandu jkun responsabbli mis-sorveljanza tal-Intrapriża Konġunta fit-twettiq tal-objettivi tagħha u jiżgura kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-Intrapriża Konġunta u l-Membri tagħha fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha.

2 —   Il-Kumitat Eżekuttiv

Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jgħin lill-Bord ta' Tmexxija fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet tiegħu u għandu jwettaq kull kompitu ieħor li l-Bord ta' Tmexxija jista' jiddelegalu.

3 —   Il-Bord ta' Programmi Xjentifiċi

Il-Bord ta' Programmi Xjentifiċi għandu jagħti pariri lill-Bord ta' Tmexxija u lid-Direttur, kif meħtieġ, dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-pjan tal-proġett u l-programmi tax-xogħol.

4 —   Id-Direttur

Id-Direttur għandu jkun l-uffiċjal eżekuttiv prinċipali għat-tmexxija ta' kuljum tal-Intrapriża Konġunta u għandu jkun ir-rappreżentant legali tagħha.

5 —   Verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

6 —   Verifika interna

Stabbilita mill-1 ta' Lulju 2009.

7 —   Awtorità ta' Kwittanza

Il-Parlament fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Baġit finali għall-2009

EUR 173,61 miljun li minnhom 80,6 % kienu ffinanzjati mill-Kontribuzzjoni tal-Unjoni.

(EUR 149.8 miljun għall-2008)

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2009

199 kariga fil-pjan ta' stabbiliment li minnhom 147 kienu mimlija fil- 31.12.2009 (153 inklużi offerti ta' impjieg magħmula u aċċettati, li minnhom 40 kienu permanenti u 113 kienu temporanji).

66 kariga oħra (kuntrattwali, esperti nazzjonali ssekondati)

Għadd totali ta' persunal: 213 (219 inklużi offerti ta' impjieg magħmula u aċċettati)

ITER u Ftehimiet Internazzjonali b'Approċċ Usa'

Kompiti Operazzjonali: 47 mogħtija għal valur totali ta' EUR 142,5 miljun (51 varati)

Arranġamenti ta' Akkwist: 8 ffirmati għall-Proġett ITER (ekwivalenti għal EUR 400 miljun), 3 ffirmati għal Proġetti b'Approċċ Usa' (ekwivalenti għal EUR 19-il miljun)

Kreditu ITER mogħti lil F4E: 2,92 kIUA (ekwivalenti għal EUR 4,4 miljun)

Għotjiet: 30 mogħtija għal valur totali ta' EUR 15,9 miljun (30 varati)

Kuntratti Amministrattivi: 5 mogħtija għal valur totali ta' EUR 6 miljun (7 varati)

Implimentazzjoni tal-Baġit: 98,9 % f'approprijazzjonijiet tal-impenji, 65,3 % f'approprijazzjonijiet tal-pagament

L-iżvilupp tal-Organizzazzjoni: 58 Uffiċjal F4E jew Aġenti Temporanji rreklutati kif ukoll 34 Aġent bil-Kuntratt

Verifika Interna u funzjonijiet tal-Protezzjoni tad-Data stabbiliti

Kumitati: 4 laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija, 7 laqgħat tal-Kumitat Eżekuttiv u 3 laqgħat tal-Panel tal-Konsultazzjoni Teknika.

Sors: Informazzjoni mibgħuta mill-Intrapriża Konġunta.

IR-RISPOSTI TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

Implimentazzjoni tal-baġit

Paragrafu 15

L-F4E taqbel mal-kummenti tal-Qorti. Qiegħed jiġi implimentat profil imtejjeb tal-ħlas għall-2010 b'rapportar iktar rigoruż u mekkaniżmi ta' kontroll għat-twettiq tal-baġit għall-ispiża operattiva.

Preżentazzjoni tal-kontijiet: il-kontribuzzjonijiet tal-membri

Paragrafi 16-18

L-F4E taqbel mal-osservazzjonijiet tal-Qorti li huma dikjarazzjonijiet marbuta ma' Impriżi Konġunti b'mod ġenerali u jindirizzaw l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ gwida dettaljata dwar il-preżentazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-membri fil-kontijiet annwali.

Sistemi interni ta' kontroll

Paragrafu 19

L-F4E taqbel mal-kummenti tal-Qorti u tenfasizza li r-rinfurzar tal-ambjent ta' kontroll tal-organizzazzjoni jibqa' wieħed mil-prijoritajiet ewlenin tagħha. Madankollu, wieħed irid jifhem li l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' kontrolli interni f'organizzazzjoni żagħżugħa u li qiegħda tikber b'rata mgħaġġla teħtieġ ħin u riżorsi sostanzjali, b'mod partikolari meta l-organizzazzjoni qed tfittex l-aktar arranġamenti ta' tmexxija adatti għaliha.

Matul l-2009 u l-2010, inkiseb progress sostanzjali fl-iżvilupp tal-qafas ta' kontroll mhux finanzajrju, partikolarment fir-rigward ta':

deskrizzjonijiet tax-Xogħol,

valuri etiċi u organizzattivi,

evalwazzjoni u Żvilupp tal-Persunal,

proċessi u Proċeduri,

kontinwità tan-Negozju,

ġestjoni ta' Dokumenti,

verifiki Interni.

Paragrafu 20

L-F4E taqbel mal-kummenti tal-Qorti u bħalissa qiegħda timplimenta għodda ta' ġestjoni tal-kuntratti. L-F4E qiegħda tiżviluppa wkoll għodod sistematiċi ta' bbaġitjar li jkopru l-preparazzjoni/implimentazzjoni tal-baġit (bil-produzzjoni ta' scoreboard awtomatiku) u rapportar dwar dejta ta' baġit u riżorsi.

Paragrafi 21 u 23

Wara li l-ewwel xhur tal-funzjoni tal-Verifiki Interni kienu ddedikati għal attivitajiet ta' konsulenza u bini tal-kapaċità, l-ewwel ħidma ta' verifika, dwar iċ-Ċirkuwiti Finanzjarji, bdiet f'Novembru 2009 u għalqet f'Mejju 2010. Il-Pjan Annwali tal-Verifika għall-2009/2010 kien adottat mid-Direttur u ġie approvat mill-Bord Governattiv fis-27 ta' Jannar 2010.

f'dak li jirrigwarda l-kontrolli finanzjarji, il-verifika interna dwar iċ-ċirkuwiti finanzjarji tal-F4E diġà tindirizza għadd ta' kwistjonijiet ġenerali relatati mal-ġestjoni finanzjarja sa mir-riorganizzazzjoni li saret f'April 2009. It-tħassib imqajjem mill-Qorti kien soġġett għal valutazzjoni fid-dawl ta' din il-verifika interna. F'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Intern, kien stabbilit pjan ta' azzjoni li, fost l-oħrajn, għandu l-għan li jiżgura s-separazzjoni tar-responsabbiltajiet li hija meħtieġa għall-attivitajiet finanzjarji u operattivi. L-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni bdiet f'Awwissu 2010 u għall-partijiet ewlenin għandha tkun lesta sa tmiem is-sena.

Paragrafu 22

L-F4E taqbel mal-kummenti tal-Qorti. Is-sistemi tal-kontabbiltà ma ġewx ivvalidati formalment mill-Uffiċjal għall-Kontabbiltà minħabba li wħud mill-proċessi sottostanti għadhom ma ġewx ifformalizzati.

Paragrafu 24

Minħabba limitazzjonijiet baġitjarji, l-F4E ma kinitx f'pożizzjoni li timpenja l-ammont totali li jirriżulta minn ftehim li ntlaħaq bejn l-atturi prinċipali tal-proġett ITER. Sa tmiem l-2010, l-F4E għandha tkun tista' timpenja l-ammont totali tal-kontribuzzjoni ta' Organizzazzjoni Internazzjonali, bħala riżultat tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ITER li għandha tittieħed f'Novembru u ta' emenda oħra tal-baġit tal-F4E għall-2010.

Paragrafu 25

Fir-rigward tal-għotja li ġiet ivverifikata, l-F4E taqbel mal-kummenti tal-Qorti. Is-sitwazzjoni issa ġiet rimedjata b'limitu singolu, ogħla definit fid-delegazzjoni mogħtija lill-Uffiċjal li Jawtorizza b'Delegazzjoni.

Fir-rigward tal-ħlas ivverifikat relatat ma' xogħlijiet ta' preparazzjoni tas-sit, l-F4E taqbel mal-kummenti tal-Qorti. B'mod ġenerali, l-F4E qiegħda tippjana li tanalizza u li tirrifletti fuq il-proċeduri interni li, fost l-oħrajn, sejrin jippermettu li jtejbu l-kontroll ex ante intern.

Ħlas tard tal-kontribuzzjonijiet tas-sħubija

Paragrafi 26-27

L-F4E taqbel mal-kummenti tal-Qorti. Is-sitwazzjoni tjiebet fl-2010 minħabba aktar antiċipazzjoni u miżuri ta' prevenzjoni. Għall-2011 l-F4E sejra tkompli ssaħħaħ it-twissija bikrija tagħha billi tibgħat stimi tal-kontribuzzjoni ta' kull membru għall-2011. Il-Membri diġà rċevew l-informazzjoni f'April 2010 għall-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-2011 u sejrin jirċievu nota formali bil-konferma tal-ammont finali wara l-adozzjoni tal-Baġit 2011 mill-Bord ta' Tmexxija f'Novembru 2010.

Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta

Paragrafu 28

L-F4E taqbel mal-kummenti tal-Qorti. L-F4E kkunsidrat li approċċ tajjeb u effiċjenti kien li tinkiseb esperjenza ta' ftit snin dwar l-implimentazzjoni attwali ta' dawn ir-regoli qabel ma tkun proposta reviżjoni possibbli tar-Regolament Finanzjarju. Din ir-reviżjoni għandha tkun konsistenti wkoll mal-proposta possibbli għar-reviżjoni tal-Istatuti tal-F4E (wara approvazzjoni tal-Bord ta' Tmexxija) u diskussjonijiet sussegwenti mal-Kunsill. Twaqqaf grupp ta' ħidma intern u għandha tiġi sottomessa proposta għal reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju tal-F4E għall-adozzjoni qabel tmiem l-2010.

Ir-rwol tas-Servizz tal-Verifika Intern tal-Kummissjoni

Paragrafi 29-30

Huwa mistenni li r-reviżjoni tal-Istatuti tal-F4E sejra tikjarifika l-applikabbiltà tar-Regolament Finanzjarju ta' Qafas fir-rigward tal-Verifika Interna tal-Impriża Konġunta. Minkejja din il-kjarifika, il-proposta li r-Regolament Finanzjarju tal-F4E ikun emendat, li qiegħda titħejja bħalissa, diġà sejra tqis ir-rimarka tal-Qorti u d-dispożizzjonijiet eżistenti li jagħtu s-setgħa lill-Awditur Intern tal-Kummissjoni biex jivverifika lill-korpi tal-UE.

Status tal-Proġett ITER

Paragrafi 31-33

L-F4E tixtieq tenfasizza li, filwaqt li l-informazzjoni hija korretta, din tirrappreżenta l-istatus tad-diskussjonijiet f'Settembru 2010, wara l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ta' proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitjarja u l-amministrazzjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju multiannwali, biex tindirizza ħtiġijiet ta' finanzjament addizzjonali tal-proġett ITER (COM (2010)/403 tal-20 ta' Lulju 2010).


(1)  ITER: Reattur Esperimentali Internazzjonali Termonukleari.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta’ Marzu 2007 li twaqqaf l-Intrapriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u tagħtiha vantaġġi (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58).

(3)  L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Enerġija mill-Fużjoni ITER twaqqfet f'Ottubru 2007 għal perjodu inizjali ta’ 35 sena biex timplimenta l-proġett ITER, li jimmira li juri l-fattibbiltà xjentifika u teknoloġika tal-enerġija mill-fużjoni. Il-Membri huma l-Euratom, il-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Indja, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, il-Federazzjoni tar-Russja u l-Istati Uniti tal-Amerika.

(4)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprijazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(5)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  Ir-Regolament Finanzjarju tal-Intrapriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni adottat b'Deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tagħha fit-22 ta’ Ottubru 2007.

(9)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2003 tad-19 ta’ Novembru 2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(10)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(11)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-korpi tal-UE huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 tad-9 ta’ Lulju 2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regolament Finanzjarju tal-Intrapriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni.

(12)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(13)  L-Opinjoni Nru 4/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Intrapriża Konġunta Ewropea tal-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (Fużjoni għall-Enerġija) u l-paragrafi 21 sa 23 tar-Rapport tal-Qorti dwar il-kontijiet annwali fl-Intrapriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2008 (ĠU C 310, 18.12.2009, p. 1).

(14)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: l-istatus tal-ITER u t-triq ‘il quddiem possibbli (SEC(2010) 571 tal-4 ta’ Mejju 2010).


16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 342/30


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2009, flimkien mar-risposti tal-Impriża Konġunta

2010/C 342/05

WERREJ

 

Paragrafu

Paġna

INTRODUZZJONI …

1-5

31

ID-DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI …

6-15

31

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA …

16-22

32

KWISTJONIJIET OĦRAJN …

23-32

32

Tabella …

34

Ir-risposti tal-Impriża Konġunta

37

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta SESAR, li tinsab fi Brussell, twaqqfet fi Frar 2007 (1) sabiex iġġesti l-attivitajiet tal-proġett SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru tas-Sema Uniku Ewropew).

2.

Il-proġett SESAR jimmira li jimmodernizza l-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) fl-Ewropa u huwa maqsum fi tliet fażijiet:

a)

Il-“Fażi ta' definizzjoni” bdiet fl-2005 u tmexxiet mill-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru (Eurocontrol), b'kofinanzjament mill-baġit tal-UE permezz tal-programm tan-Netwerk tat-Trasport Trans Ewropew. Ir-riżultat huwa l-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew, li jiddefinixxi l-pjanijiet għall-kontenut, għall-iżvilupp u għat-twaqqif tal-ġenerazzjoni ta' sistemi ATM li tmiss.

b)

Il-“Fażi ta' żvilupp” (2008-2013) ġestita mill-Impriża Konġunta SESAR (ara wkoll it-Tabella) u li twassal għall-produzzjoni ta' sistemi teknoloġiċi, komponenti u proċeduri operazzjonali ġodda definiti fil-Pjan Regolatorju tal-ATM Ewropew.

c)

Il-“Fażi ta' twaqqif” (2014-2020) li għandha titmexxa mill-industrija u mill-partijiet interessati, għall-produzzjoni u l-implimentazzjoni fuq skala kbira tal-infrastruttura tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru l-ġdida.

3.

L-Impriża Konġunta hija mfassla bħala sħubija pubblika-privata. Il-membri fondaturi huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Eurocontrol rrappreżentata mill-Aġenzija tagħha. Wara sejħa għall-espressjonijiet ta' interess, ħmistax-il intrapriża pubblika u privata mill-industrija tan-navigazzjoni tal-ajru saru membri tal-Impriża Konġunta. Dawn jinkludu fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, l-industrija tal-manifattura tal-art u tal-ajruspazju, manifatturi tal-ajruplani, awtoritajiet tal-ajruport u manifatturi ta' tagħmir għal operazzjonijiet tal-ajru.

4.

Il-baġit għall-fażi ta' żvilupp tal-proġett SESAR huwa ta' EUR 2,1 biljun, li jrid jingħata f'partijiet ugwali mill-UE, mill-Eurocontrol u mill-imsieħba pubbliċi u privati parteċipanti. Il-kontribuzzjoni tal-UE hija ffinanzjata mis-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka u mill-programm tan-Netwerk tat-Trasport Trans Ewropew. Madwar 90 % tal-finanzjament mill-Eurocontrol u mill-partijiet interessati l-oħrajn se jieħu l-għamla ta' kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji.

5.

L-Impriża Konġunta SESAR bdiet taħdem b'mod awtonomu fl-10 ta' Awwissu 2007.

15.

Il-kummenti li ġejjin ma jixtħux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

L-implimentazzjoni tal-baġit

16.

Il-baġit finali għall-2009 adottat mill-Bord Amministrattiv kien jinkludi approprijazzjonijiet tal-impenji ta' EUR 325 miljun u approprijazzjonijiet tal-pagamenti ta' EUR 157 miljun. Ir-rati ta' utilizzazzjoni tal-approprijazzjonijiet tal-impenji u tal-pagamenti kienu 97,1 % u 43,2 % rispettivament.

17.

Fl-2009, il-kontribuzzjonijiet mill-membri (EUR 38,8 miljun) flimkien mar-riżultat tas-sena ta' qabel (EUR 115,6 miljun) ammontaw għal EUR 154,4 miljun, kontra pagamenti ta' EUR 67,9 miljun u riport ta' approprijazzjonijiet ta' EUR 2,5 miljun. Dan wassal għal riżultat tal-baġit pożittiv ta' EUR 84 miljun u depożiti fil-kontijiet tal-bank fi tmiem is-sena li jammontaw għal EUR 86,8 miljun. Dan imur kontra l-prinċipju baġitarju tal-ekwilibriju.

18.

Skont l-Artikolu 51 tar-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta SESAR, il-fondi mħallsa lill-Impriża Konġunta mill-Kummissjoni permezz tas-sussidju jrendu l-imgħax għall-benefiċċju tal-baġit ġenerali tal-UE. Fi tmiem l-2009, l-Impriża Konġunta ma kinitx irċeviet talba għat-trasferiment tal-imgħax ta' EUR 1,7 miljun dovuti fil-perjodu 2007 sal-2009.

Il-preżentazzjoni tal-kontijiet: il-kontribuzzjonijiet tal-membri

19.

Il-Qorti tinnota li l-attivitajiet tal-Impriżi Konġunti tal-UE huma ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet mill-membri tagħhom, u li l-Impriżi Konġunti fil-fatt m'għandhom ebda kapital. Il-Qorti rrakkomandat li fil-kontijiet jingħata tagħrif ċar dwar din il-karatteristika speċifika tal-Impriżi Konġunti.

20.

Għalhekk il-Qorti tilqa' l-fatt li, skont ir-Regola tal-Kontabilità 1 tal-UE (Kontabilità tal-Grupp), il-kontribuzzjonijiet mill-membri huma ppreżentati taħt Attivi Netti fil-Karti tal-Bilanċ tal-Impriżi Konġunti, u li fin-Noti tal-Kontijiet tingħata aktar informazzjoni dwar in-natura tal-kontribuzzjonijiet.

21.

Din hija bidla fil-politika tal-kontabilità applikata mill-Impriża Konġunta SESAR fil-kontijiet tal-2008, fejn il-kontribuzzonijiet tal-membri ġew rikonoxxuti bħala dħul fil-Kont tar-Riżultat Ekonomiku. Iċ-ċifri relevanti huma ddikjarati mill-ġdid fil-kontijiet tal-2008 sabiex ikun jista' jsir tqabbil mal-kontijiet tal-2009.

22.

Il-Qorti tqis li l-preżentazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-Kontijiet tal-Impriżi Konġunti għandhom ikunu armonizzati kemm jista' jkun u tinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li toħroġ gwida fid-dettall lill-Impriżi Konġunti f'dan ir-rigward.

KWISTJONIJIET OĦRAJN

Is-sistemi ta' kontroll intern

23.

Filwaqt li tagħraf li l-Impriża Konġunta kienet fil-fażi tal-bidu fl-2008, il-Qorti osservat fir-Rapport preċedenti tagħha li l-Impriża Konġunta ma kinitx implimentat għal kollox is-sistema ta' kontrolli interni u ta' informazzjoni finanzjarja.

24.

Għalkemm ittieħdu passi importanti matul l-2009 (11), jibqa' l-fatt li fi tmiem l- 2009, attivitajiet prinċipali tal-organizzazzjoni mhumiex formalizzati biżżejjed u li għodda integrata għall-ġestjoni tal-informazzjoni finanzjarja, tal-baġit u tat-tħaddim ma kinitx stabbilita. Bħalma diġà kien osservat fl-2008, il-proċessi tan-negozju ta' bażi għadhom ma ġewx validati mill-Uffiċjal tal-Kontabilità kif meħtieġ mir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta.

25.

L-ittestjar mill-Qorti ta' kampjun ta' 36 tranżazzjoni identifika bosta każijiet fejn il-kontrolli interni ma kinux ħadmu sew. Pereżempju, f'każ wieħed l-Impriża Konġunta kkonkludiet kuntratt għal servizzi ta' tindif għal valur annwali ta' EUR 19 572, mingħajr ma segwiet il-proċedura negozjata stabbilita fir-Regolament Finanzjarju Ġenerali u fir-Regolament Finanzjarju tas-SESAR. Għal kuntratt ieħor li ammonta għal EUR 922 000 għal għajnuna fit-tħejjija ta' ftehimiet ta' sħubija, il-Qorti kienet kapaċi tikseb evidenza li s-servizzi kienu twettqu, iżda ma setgħetx tingħata dikjarazzjoni formali tas-serviġi mogħtija kif meħtieġ mir-Regoli Finanzjarji.

26.

Skont l-Artikolu 25 tar-Regoli Finanzjarji ta' SESAR, l-approprijazzjonijiet tal-baġit għandhom jintużaw skont il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba. Il-kuntratt għal spazju u faċilitajiet għall-uffiċċju, iffirmat fis- 6 ta' Settembru 2007 għal perjodu ta' disa' snin, kien jinkludi l-possibbiltà ta' tmiem bikri mingħajr multa fl-aħħar ta' kull perjodu ta' tliet snin. Madankollu l-Impriża Konġunta ċċaqalqet għal ġo uffiċċji oħra fl-2009 u kellha tħallas EUR 380 235 għal 12-il xahar ieħor f'kera u pagamenti għall-uffiċċji tagħha li tbattlu.

Ir-Rikonoxximent tal-Attiv

27.

Rigward ir-riżultati tal-programm SESAR, l-Impriża Konġunta se tkun sidt l-attiv tanġibbli u intanġibbli kollu li hija toħloq jew li huwa ttrasferit lilha għall-fażi ta' żvilupp tal-proġett SESAR skont ftehimiet speċifiċi mal-membri tagħha (12)

28.

Bħalma ġie indikat fl-Anness għar-Rendikonti Finanzjarji, f'dan l-istadju l-Impriża Konġunta SESAR ma tistax tbassar l-attivazzjoni ta' attiv li jista' joħroġ mir-riżultati tal-attivitajiet. Il-Qorti tinnota li fi tmiem l-2009 ma kien għad hemm l-ebda sistema ta' informazzjoni tal-ġestjoni integrata stabbilita biex tippermetti l-allokazzjoni tal-ispejjeż lil pakketti ta' kompiti speċifiċi jew biex tidentifika l-għajn tal-finanzjament tal-ispejjeż operazzjonali. Din hija bżonjuża biex tiżgura l-evalwazzjoni tajba tal-ispejjeż tal-attivitajiet u l-attivazzjoni tal-attiv meta din tinħtieġ.

Ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta

29.

Ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta fil-bidu kienu adottati mill-Bord Amministrattiv f'Lulju 2007. Fl-2008, il-Qorti (13) osservat li r-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta għandhom ikunu emendati biex ikunu konformi mar-Regolament Finanzjarju strutturali għall-korpi tal-UE. Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1361/2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007, li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta SESAR, il-Bord Amministrattiv adotta r-Regoli Finanzjarji kurrenti fit- 28 ta' Lulju 2009, u b'hekk tħassru r-Regoli Finanzjarji adottati f'Lulju 2007.

30.

Il-Qorti ħarġet l-Opinjoni tagħha Nru 2/2010 dwar ir-Regoli Finanzjarji l-ġodda tal-Impriża Konġunta SESAR fil- 15 ta' April 2010. Il-Qorti għamlet għadd ta' rakkomandazzjonijiet, rigward eċċezzjonijiet għal prinċipji tal-baġit, l-irwol tas-Servizz ta' Verifika Interna tal-Kummissjoni u d-dispożizzjonijiet dwar is-sħubija tal-Impriża Konġunta SESAR u l-kofinanzjament ta' attivitajiet.

Il-Funzjoni ta' Verifika Interna u s-Servizz ta' Verifika Interna tal-Kummissjoni

31.

Kif esprimiet fl-Opinjoniet tagħha Nru 2/2010 dwar ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta SESAR u Nru 4/2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju tal-Impriża Konġunta Fużjoni għall-Enerġija, il-Qorti tqis li d-dispożizzjoni kurrenti fl-Istatuti tal-Impriża Konġunta dwar l-irwol tal-awditur intern tal-Kummissjoni għandha tkun iċċarata.

32.

L-Artikolu 7a tal-Istatuti tal-Impriża Konġunta SESAR jiddikjara li l-funzjonijiet tal-awditur intern tal-Kummissjoni għandhom jitwettqu taħt ir-responsabbiltà tal-Bord Amministrattiv tal-Impriża Konġunta. Fl-opinjoni tal-Qorti, arranġament bħal dan jixraq lill-funzjoni ta' verifika interna fi ħdan l-Impriża Konġunta iżda mhux lill-awditur intern tal-Kummissjoni, li r-responsabbiltajiet tiegħu għandhom x'jaqsmu mal-baġit ġenerali tal-UE kollu kemm hu.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sur Morten LEVYSOHN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tal-20 ta' Ottubru 2010.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President

Tabella

L-Impriża Konġunta SESAR (Brussell)

Oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

Kompetenzi tal-Impriża Konġunta kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1361/2008

Tmexxija

Riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2009

Prodotti u servizzi prinċipali mogħtija fl-2009

Il-politika tat-trasport komuni

1.

Id-dispożizzjonijiet ta' dan it-Titolu għandhom japplikaw għat-trasport bil-ferrovija, fit-triq, u bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

2.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva [leġiżlattiva] ordinarja, jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u tal-ajru. Huma għandhom jaġixxu wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni.'

(L-Artikolu 100 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Ir-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku

L-Unjoni tista' toħloq impriżi komuni [konġunti] jew kull struttura oħra neċessarja għall-esekuzzjoni [eżekuzzjoni] effiċjenti tal-programmi tar-riċerka ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimonstrazzjoni tal-Unjoni.

(L-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Objettivi

tiżgura l-immodernizzar tas-sistema ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropew billi tikkoordina u tikkonċentra l-isforzi tar-riċerka u tal-iżvilupp kollha tagħha fl-Unjoni;

twettaq il-Pjan Regolatorju tal-ATM.

Kompiti

tmexxi l-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp u validazzjoni tal-proġett SESAR billi tikkombina l-finanzjament mis-settur pubbliku u privat provdut mill-membri tagħha u billi tuża riżorsi tekniċi esterni u b'mod partikolari billi tuża l-esperjenza u l-ħila tal-EUROCONTROL.

B'mod partikolari:

torganizza u tikkoordina l-attivitajiet tal-fażi ta' żvilupp tal-proġett SESAR, skont il-Pjan Regolatorju tal-ATM, li jirriżultaw mill-fażi ta' definizzjoni tal-proġett amministrat mill-Eurocontrol, billi tikkombina u ġġesti taħt struttura unika l-finanzjament tas-settur pubbliku u ta' dak privat,

tiżgura l-finanzjament meħtieġ għall-attivitajiet tal-fażi ta' żvilupp tal-proġett SESAR skont il-Pjan Regolatorju tal-ATM,

tiżgura l-involviment tal-partijiet interessati tas-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa, b'mod partikolari: il-fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru, l-utenti tal-ispazji tal-ajru, l-assoċjazzjonijiet professjonali tal-persunal, l-ajruporti, u l-industrija tal-manifattura; kif ukoll l-istituzzjonijiet xjentifiċi relevanti jew il-komunità xjentifika relevanti,

torganizza l-ħidma teknika ta' riċerka u żvilupp, ta' validazzjoni u studju, li għandha titwettaq taħt l-awtorità tagħha waqt li tiġi evitata l-frammentazzjoni ta' tali attivitajiet,

tiżgura s-sorveljanza ta' attivitajiet relatati mal-iżvilupp ta' prodotti komuni debitament identifikati fil-Pjan Regolatorju tal-ATM u jekk ikun meħtieġ, torganizza sejħiet speċifiċi għall-offerti.

1 —   Il-Bord Amministrattiv

Kompożizzjoni

a)

rappreżentant minn kull wieħed mill-membri tal-Impriża Konġunta;

b)

rappreżentant tal-militar;

c)

rappreżentant tal-utenti ċivili tal-ispazju tal-ajru;

d)

rappreżentant tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew;

e)

rappreżentant tal-manifatturi ta' tagħmir, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentanta tagħhom fil-livell Ewropew;

f)

rappreżentant tal-ajruporti;

g)

rappreżentant mill-korpi li jirrappreżentaw lill-persunal fis-settur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentanta tagħhom fil-livell Ewropew

h)

rappreżentant tal-istituzzjonijiet xjentifiċi relevanti jew il-komunità xjentifika relevanti, maħtur mill-organizzazzjoni rappreżentattiva tagħhom fil-livell Ewropew.

Il-Bord Amministrattiv se jkun ippresedut mir-rappreżentant tal-Unjoni.

Kompiti prinċipali

a)

jadotta l-Pjan Regolatorju tal-ATM approvat mill-Kunsill kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament tas-SESAR u japprova kwalunkwe proposta għall-modifika tiegħu;

b)

jagħti linji gwida u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa, għall-implimentazzjoni tal-fażi ta' żvilupp tal-proġett Sesar u jeżerċita kontroll ġenerali fuq l-implimentazzjoni tiegħu;

c)

japprova l-programm ta' xogħol u l-programmi ta' xogħol annwali tal-Impriża Konġunta kif ukoll il-baġit annwali, inkluż il-pjan ta' stabbiliment tal-persunal.

d)

jawtorizza negozjati u jiddeċiedi dwar l-adeżjoni ta' membri ġodda u dwar il-ftehimiet relatati;

e)

jissorvelja l-eżekuzzjoni tal-ftehimiet bejn il-membri u l-Impriża Konġunta;

f)

jaħtar u jneħħi d-Direttur Eżekuttiv u japprova l-organigramma u jissorvelja l-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv;

g)

jiddeċiedi dwar l-ammonti u l-proċeduri għall-pagament ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-membri u l-evalwazzjoni ta' kontribuzzjonijiet mhux finanzjarji;

h)

jadotta r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta;

i)

japprova l-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ;

j)

jadotta r-rapport annwali dwar il-progress tal-fażi ta' żvilupp tal-proġett Sesar u s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu;

k)

jiddeċiedi dwar proposti lill-Kummissjoni dwar l-estensjoni u x-xoljiment tal-Impriża Konġunta;

l)

jistabbilixxi proċeduri għall-għoti ta' drittijiet ta' aċċess għal attiv tanġibbli u intanġibbli li huma l-proprjetà tal-Impriża Konġunta u t-trasferiment ta' tali attiv;

m)

jistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri għall-għoti tal-kuntratti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pjan Regolatorju tal- ATM, inklużi l-proċeduri speċifiċi għal kunflitti ta' interessi;

n)

jiddeċiedi dwar proposti lill-Kummissjoni għall-emenda tal-Istatuti;

o)

jeżerċita setgħat oħrajn ta' din ix-xorta u jwettaq funzjonijiet oħrajn ta' din ix-xorta, inkluż l-istabbiliment ta' korpi sussidjarji, kif jista' jinħtieġ għall-iskopijiet tal-fażi ta' żvilupp tal-proġett Sesar;

p)

jadotta l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 dwar l-issekondar ta' persunal lill-Impriża Konġunta.

2 —   Id-Direttur Eżekuttiv

Maħtur mill-Bord Amministrattiv fuq proposta mill-Kummissjoni.

3 —   Verifika esterna

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

4 —   Awtorità ta' Kwittanza

Il-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Baġit

EUR 325,1 miljun Kontribuzzjoni tal-Unjoni 16,9 %.

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2009

Karigi fil-pjan ta' stabbiliment tal-persunal: 39

Karigi okkupati: 18

Karigi oħrajn (kuntratti awżiljarji, esperti nazzjonali ssekondati, persunal lokali): 8

Għadd totali ta' persunal: 26

Persunal issekondat mill-membri tal-Impriża Konġunta bħala parti mill-kontribuzzjoni mhux finanzjarja tagħhom: 4

assenjati d-doveri li ġejjin:

Kompiti operazzjonali: 22

Kompiti amministrattivi u ta' sostenn: 16

Kompiti mħallta: 1

Kisbiet ewlenin fl-2009:

il-proċess ta' Sħubija kien konkluż fis-26 ta' Marzu 2009 bid-deċiżjoni tal-Bord Amministrattiv biex is-Sħubija tingħata lill- 15-il kandidat magħżul minn qabel flimkien mal-għoti tal-attivitajiet inklużi fl-ambitu tal- IBAFO 1. Qabel (fit-23 ta' Marzu 2009), il-Kummissjoni Ewropea kienet irċeviet il-pożizzjoni tal-Istati Membri tal-UE, wara proċedura ta' komitoloġija hekk kif provdut skont l-Artikolu 5.4 tar-Regolament tal-Impriża Konġunta SESAR (KE) 219/2007;

peress li meta ġie varat l-IBAFO 1 ma kienx possibbli biex il-Pakketti ta' Kompiti jiġu kollha inklużi, fost l-oħrajn minħabba li l-Kunsill kellu jagħti l-approvazzjoni finali tiegħu tal-kontribuzzjoni tal-Eurocontrol lill-Impriża Konġunta SESAR, IBAFO ġdid kien varat f'Lulju 2009. Il-proċess ta' għażla twettaq f'Novembru u d-Direttur Eżekuttiv ippreżenta r-rakkomandazzjoni tiegħu dwar l-għoti tal-attivitajiet lill-Bord Amministrattiv tal-SJU, li approvah, fil-laqgħa tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2009;

bit-tlestija tal-proċess ta' Sħubija kif ippjanat fl-2009 u l-proċess tal-għoti tal-attivitajiet tal-Programm, il-Programm SESAR qiegħed jaħdem b'mod sħiħ;

skont il-miri stabbiliti fl-AWP 2009, 69 % mill-proġetti nbdew sa tmiem l-2009. 126 proġett tal-R&D kienu varati; 62 Rapport ta' Bidu kienu rċevuti mill-Impriża Konġunta SESAR sa tmiem is-sena. 32 Rapport ta' Bidu kienu analizzati, li minnhom 13-il proġett kienu awtorizzati mid-Direttur Eżekuttiv biex jibdew l-eżekuzzjoni u 19 ġew meqjusa li ma jissodisfawx wieħed jew aktar mill-kriterji ta' aċċettazzjoni u ntalbet verżjoni rreveduta. 43 attività ta' ġestjoni kienu varati u, wara li jintbagħtu r-Rapporti ta' Bidu tal-Ġestjoni, se jkollhom l-awtorità jipproċedu għall-fażi ta' eżekuzzjoni fil-bidu tal-2010;

wara d-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2009 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1361/2008 tas-16 ta' Diċembru 2008, l-Impriża Konġunta SESAR wettqet u lestiet it-tranżizzjoni għal Korp sħiħ tal-Unjoni Ewropea. B'riżultat ta' dan:

a.

persunal ġdid kien irreklutat skont ir-“Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Ħaddiema oħra tal-Unjoni Ewropea” kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 31/2005 tal-20 ta' Diċembru 2004 (minn hawn 'il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”);

b.

it-13-il Membru tal-persunal impjegati fil-bidu tal-2009 kellhom joqogħdu għal proċess ta' għażla interna skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1361/2008 u kienu rreklutati bħala Aġenti Temporanji skont ir-Regolamenti tal-Persunal;

c.

fl-aħħar ta' April 2009, l-Impriża Konġunta SESAR kienet f'pożizzjoni li tirrekluta Aġenti Kuntrattwali;

d.

fit-30 ta' Marzu 2009, skont l-Artikolu 2b tar-Regolamenti tal-Impriża Konġunta SESAR, l-Impriża Konġunta SESAR iffirmat Ftehim Amministrattiv mal-Gvern Belġjan li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej. Bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tal-Protokoll, l-Impriża Konġunta SESAR ġiet iddikjarata bħala eżentata mill-VAT u bdiet il-proċess biex tirkupra l-VAT imħallsa bejn is-16 ta' Ottubru 2008 sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Amministrattiv, u t-taxxi fuq l-imgħax prodott fl-istess perjodu. Sa tmiem l-2009, il-VAT (EUR 0,4 miljun) kienet irkuprata u msarrfa filwaqt li t-taxxi fuq l-imgħax se jissarrfu matul l-2010;

e.

fit-28 ta' Lulju 2009, il-Bord Amministrattiv adotta r-Regoli Finanzjarji l-ġodda tal-Impriża Konġunta SESAR skont l-Artikolu 4a tar-Regolament tal-Impriża Konġunta SESAR, wara li rċieva l-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea. Ir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta SESAR għandhom jirċievu opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-2010.

L-2009 kienet sena kritika għall-Impriża Konġunta SESAR li, minn banda waħda, kellha tgħaddi minn proċess ta' ristrutturar kompletament ġdid u, minn band'oħra, tibda l-attivitajiet b'mod operazzjonali billi tvara l-proġetti, pakketti ta' kompiti u ta' sottokompiti filwaqt li l-proċess ta' Sħubija kien għadu qiegħed jiġi finalizzat.

Sors: Informazzjoni ppreżentata mill-Impriża Konġunta.

IR-RISPOSTI TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA

Paragrafu 17

L-Impriża Konġunta SESAR (SJU) hija responsabbli mill-fażi ta' żvilupp tal-Programm SESAR li hu mistenni li jdum sal-2016. Il-programm beda fl-2009. Il-programm huwa multiannwali u tul iż-żmien ser ikun ikkaratterizzat minn żbilanċ mistenni bejn id-dħul u l-infiq, b'mod partikolari fis-snin inizjali.

Paragrafu 24

L-SJU tiddependi mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tas-sistemi finanzjarji tagħha, l-ABAC u s-SAP, li ma setgħux ikunu implimentati mill-KE fl-SJU sa Mejju 2010. Is-sistema tal-programm operattiv tal-SJU ilha effettiva mill-aħħar tal-2009.

Paragrafu 25

Il-kuntratt għal EUR 19 572 ġie stabbilit u ffirmat mill-Amministratur Temporanju tal-SJU fl-2007, fi żmien meta fl-SJU ma kien hemm la persunal u lanqas organizzazzjoni interna. L-SJU fl-2009 nediet proċedura korretta ta' akkwist biex tissotwixxi l-kuntratt.

L-SJU tirrikonoxxi s-sejbiet tal-Qorti li kellu jkun kapaċi jsib evidenza aħjar bħala sostenn għall-ħlas ta' EUR 922 000 u diġà assigurat li stqarrijiet formali ta' servizzi li toffri huma disponibbli. Madanakollu, il-kuntratt inkluda attivitajiet ta' appoġġ u parir legali professjonali biex ikun iċċarġjet abbażi ta' żmien; dawn l-attivitajiet saru fuq bażi kontinwa jekk mhux ta' kuljum, f'perjodu dens ħafna ta' attività għall-SJU (tlestija ta' negozjati mal-membri) u kienu monitorjati kontinwament mill-SJU. Ir-riżultati tal-kuntratt, bħall-abbozz tas-sħubija u l-ftehimiet qafas multilaterali, ħadmu fuqhom il-persunal tal-SJU u l-kuntratturi ta' appoġġ f'kooperazzjoni kontinwa u mill-qrib, b'mod partikolari permezz ta' skambji multipli ta' dokumenti bl-email.

Paragrafu 26

L-SJU wirtet il-kuntratt tal-kiri għall-binjiet li kellha tal-Impriża Konġunta Galileo tal-2007 li malajr instab li ma kinux adattati għall-bżonnijiet tagħha, kif maqbul mill-Bord Amministrattiv fl-2008. L-SJU, għaldaqstant, kellha tibbilanċja r-riskju tad-dewmien tal-programm mibdi mal-ispiża taċ-ċaqlieq tal-binjiet xierqa. L-SJU nnegozjat il-kuntratt għall-binjiet il-ġodda fi ħdan il-baġit riservat għal-kiri mingħajr il-ħtieġa ta' talba għal riżorsi addizjonali mill-Bord Amminstrattiv.

Paragrafu 28

L-SJU tirrikonoxxi t-tħassib tal-Qorti iżda tibqa' kunfidenti li se tkun kapaċi tidentifika s-sors ta' fondi u l-ispejjeż neċessarji sabiex tattiva l-assi fuq valur propju meta meħtieġ.

Paragrafu 30

L-SJU qiegħda tieħu l-passi meħtieġa flimkien mas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea sabiex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-Opinjoni tal-Qorti Nru 2/2010.

Paragrafu 31

L-SJU ser tikkonsidra l-importanza li temenda l-istatut tagħha billi tikkonsidra l-opinjoni tas-servizzi tal-KE.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar it-twaqqif ta' Impriża Konġunta biex tiżviluppa s-sistema l-ġdida ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropew (SESAR) (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1) emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1361/2008 tas- 16 ta' Diċembru 2008 (ĠU L 352, 31.12.2008, p. 12).

(2)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta' implimentazzjoni tal-approprijazzjonijiet flimkien ma' informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprijazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(3)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta' spjegazzjoni.

(4)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)  Ir-Regolament Finanzjarju tas-SESAR adottat mill-Bord Amministrattiv fit-28 ta' Lulju 2009.

(7)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad- 19 ta' Novembru 2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(8)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(9)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 tad- 9 ta' Lulju 2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta SESAR.

(10)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(11)  Li jinkludu d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1361/2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 219/2007 u l-adozzjoni ta' Regoli Finanzjarji ġodda tal-Impriża Konġunta SESAR fit- 28 ta' Lulju 2009.

(12)  L-Artikolu 18 tal-Istatuti.

(13)  Ir-Rapport dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja li ntemmet fil- 31 ta' Diċembru 2008 (ĠU C 310, 18.12.2009, p. 9).