ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.319.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 319

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
24 ta' Novembru 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 319/01

Opinjoni tat-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 marbuta mal-pjan ta' modifika għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mill-faċilità ta' konverżjoni Comurhex II, li tinsab f'Malvési fi Franza, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

1

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 319/02

Rata tal-kambju tal-euro

2

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2010/C 319/03

Informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

3

2010/C 319/04

Informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

4

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 319/05

Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni (Każ COMP/M.6056 – DnB NOR Bank/Bank DnB NORD) – Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata ( 1 )

5

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 319/06

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

6

2010/C 319/07

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

12

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kummissjoni Ewropea

24.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 319/1


OPINJONI TAT-KUMMISSJONI

tat-23 ta’ Novembru 2010

marbuta mal-pjan ta' modifika għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mill-faċilità ta' konverżjoni Comurhex II, li tinsab f'Malvési fi Franza, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom

(it-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

2010/C 319/01

Fil-11 ta' Mejju 2010, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern Franċiż, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat tal-Euratom, Dejta Ġenerali marbuta mal-pjan ta' modifika għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mill-faċilità ta' konverżjoni Comurhex II f'Malvési.

Abbażi ta' din id-dejta u t-tagħrif addizzjonali mitlub mill-Kummissjoni fit-8 ta’ Ġunju 2010 u pprovdut mill-awtoritajiet Franċiżi fid-29 ta’ Lulju 2010, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta' Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

(1)

Id-distanza bejn il-faċilità u l-eqreb punt fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, f'dan il-każ Spanja, hija ta' 80 km. L-Istat Membru li huwa l-eqreb wara Spanja, huwa l-Italja b'distanza ta' madwar 340 km.

(2)

F'kundizzjonijiet normali tal-operat, it-tnixxijiet ta’ effluwenti likwidi u fil-forma ta' gass mhux se joħolqu esponiment li jista' jaffettwa s-saħħa tal-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor.

(3)

Skart radjoattiv solidu jiġi maħżun temporanjament fuq is-sit qabel ma jiġi ttrasferit għal faċilitajiet liċenzjati ta’ trattament jew ta' rimi li jinsabu fi Franza.

(4)

F'każ li jkun hemm rilaxxi mhux ippjanati ta’ tnixxijiet ta' effluwenti radjuattivi li jistgħu jseħħu wara inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li jgħaddu għal Stat Membru ieħor ma jkunux tali li jaffettwaw is-saħħa tal-popolazzjoni.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan ta' modifika għar-rimi tal-iskart radjuattiv, ikun f'liema forma jkun, li jirriżulta mill-faċilità ta' konverżjoni Comurhex II, li tinsab f'Malvési fi Franza, kemm matul l-operat normali kif ukoll f'każ ta' aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, mhijiex tali li tista’ tirriżulta f'kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, il-ħamrija jew l-ispazju tal-ajru ta' Stat Membru ieħor.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

24.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 319/2


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-23 ta’ Novembru 2010

2010/C 319/02

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3496

JPY

Yen Ġappuniż

112,50

DKK

Krona Daniża

7,4553

GBP

Lira Sterlina

0,84795

SEK

Krona Żvediża

9,3865

CHF

Frank Żvizzeru

1,3338

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,2070

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,680

EEK

Krona Estona

15,6466

HUF

Forint Ungeriż

275,30

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7096

PLN

Zloty Pollakk

3,9543

RON

Leu Rumen

4,3113

TRY

Lira Turka

1,9920

AUD

Dollaru Awstraljan

1,3789

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3799

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,4711

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7626

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,7713

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 576,84

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

9,5464

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,9680

HRK

Kuna Kroata

7,3970

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 129,30

MYR

Ringgit Malażjan

4,2365

PHP

Peso Filippin

59,848

RUB

Rouble Russu

42,3040

THB

Baht Tajlandiż

40,576

BRL

Real Brażiljan

2,3388

MXN

Peso Messikan

16,7259

INR

Rupi Indjan

61,5200


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

24.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 319/3


Informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

2010/C 319/03

F'konformità mal-Artikolu 35(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), ittieħdet deċiżjoni li s-sajd jingħalaq kif deskritt fit-tabella hawn taħt:

Data u ħin tal-għeluq

18.9.2010

Tul ta' żmien

18.9.2010-31.12.2010

Stat Membru

Il-Pajjiżi Baxxi

Stokk jew Grupp ta' stokkijiet

PLE/03AN.

Speċi

Barbun tat-tbajja' (Pleuronectes platessa)

Żona

Skagerrak

Tip(i) ta' bastimenti tas-sajd

Numru ta’ referenza

606518

Ħolqa elettronika għad-deċiżjoni tal-Istat Membru:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/fishing_rules/tacs/index_mt.htm


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.


24.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 319/4


Informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri dwar l-għeluq tas-sajd

2010/C 319/04

F'konformità mal-Artikolu 35(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (1), ittieħdet deċiżjoni li s-sajd jingħalaq kif deskritt fit-tabella hawn taħt:

Data u ħin tal-għeluq

29.5.2010

Tul ta' żmien

29.5.2010-31.12.2010

Stat Membru

Il-Ġermanja

Stokk jew Grupp ta' stokkijiet

SRX/2AC4-C

Speċi

Rebekkini u Raj (Rajidae)

Żona

L-ilmijiet tal-UE taż-żoni IIa u IV

Tip(i) ta' bastimenti tas-sajd

Numru ta’ referenza

Ħolqa elettronika għad-deċiżjoni tal-Istat Membru:

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/fishing_rules/tacs/index_mt.htm


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.


V Avviżi

PROĊEDURI DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TAL-KOMPETIZZJONI

Il-Kummissjoni Ewropea

24.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 319/5


Notifika minn qabel ta' konċentrazzjoni

(Każ COMP/M.6056 – DnB NOR Bank/Bank DnB NORD)

Każ li jista' jiġi kkunsidrat għal proċedura simplifikata

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 319/05

1.

Fl-17 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta' proposta għal konċentrazzjoni skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 139/2004 (1) li permezz tagħha l-impriża DnB NOR Bank ASA (“DnB NOR Bank”, in-Norveġja), li hija tal-grupp DnB NOR (“DnB NOR”, in-Norveġja) takkwista fit-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet il-kontroll totali tal-Bank DnB NORD A/S (“Bank DnB NORD”, id-Danimarka) permezz tax-xiri ta' ishma.

2.

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

għal DnB NOR Bank: servizzi bankarji,

għal DnB NOR: servizzi bankarji u ta' assigurazzjoni,

għal Bank DnB NORD: servizzi bankarji.

3.

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni ssib li l-operazzjoni nnotifikata tista' taqa' fl-ambitu tar-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata. Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura simplifikata għat-trattament ta' ċerti konċentrazzjonijiet taħt ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet (2) ta' min jinnota li dan il-każ jista' jiġi kkunsidrat għat-trattament taħt il-proċedura stipulata fl-Avviż.

4.

Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet terzi interessati biex iressqu kwalunkwe kummenti li jistgħu jkollhom dwar it-tranżizzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta' din il-pubblikazzjoni. Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bil-feks (+32 22964301), jew b'emejl lil COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu jew bil-posta, taħt in-numru ta' referenza COMP/M.6056 – DnB NOR Bank/Bank DnB NORD, fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni

Reġistru tal-Amalgamazzjonijiet

J-70

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 56, 5.3.2005, p. 32 (“Avviż ta’ proċedura simplifikata”).


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

24.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 319/6


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 319/06

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

VINAGRE DEL CONDADO DE HUELVA

Nru tal-KE: ES-PDO-0005-0724-15.10.2008

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Vinagre del Condado de Huelva”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.8

Prodotti oħra fl-Anness I għat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1):

“Vinagre del Condado de Huelva” huwa ħall tal-inbid li jinkiseb bil-fermentazzjoni aċetuża ta' nbid iċċertifikat mill-Bord Regolatorju tad-Denominazzjoni tal-Oriġini “Condado de Huelva”.

1.

Il-valuri miksuba fl-analiżi tal-ħallijiet protetti għandhom ikunu fi ħdan dawn il-limiti:

(a)

Kontenut minimu tal-aċidu aċetiku totali 70 gm/l.

(b)

Estratt niexef solubbli: mhux anqas minn 1.30 gm/l u punt perċentwali ta' aċidu aċetiku.

(c)

Kontenut ta' rmied: bejn 1 gm/l u 7gm/l.

(d)

Kontenut ta' aċetoina: mhux anqas minn 100 mg/l.

(e)

Kontenut ta' prolina mhux anqas minn 300 mg/l.

2.

Il-kwantitajiet massimi ta' dawn li ġejjin għandhom jiġu kif indikati hawn taħt:

(a)

Merkurju: 0,05 ppm.

(b)

Arseniku: 0,5 ppm.

(c)

Ċomb: 0,5 ppm.

(d)

Ram u żingu: 10 mg/l.

(e)

Ħadid: 10 mg/l.

(f)

Sulfat: 2 gm/l, espress bħala sulfat tal-potassju.

(g)

Klorur: 1 gm/l, espress bħala klorur tal-potassju.

3.

Analiżi kromatika bl-użu ta' kolorimetrija bi trażmissjoni tagħti l-valuri li ġejjin:

(a)

Valur massimu ta' ċarezza (L*): 93 %.

(b)

Intensità tal-kulur espress bil-kroma (Cab): akbar minn 20 unità.

Tipi ta' ħall

(a)   Vinagre Condado de Huelva

Ħall li jinkiseb bil-fermentazzjoni aċetuża ta' nbid iċċertifikat mid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Condado de Huelva”, b'alkoħol residwali mill-inbid użat ta' mhux aktar minn 0,5 % vol.

Evalwazzjoni organolettika:

Apparenza: Bejn isfar ċar u ambra u intensità ħafifa, xierqa għal ħall Condado de Huelva.

Aroma: Aromi aċetiċi bi ħjiel ta' nbid.

Togħma: Togħma ta' nbid ħafifa, ibbilanċjata tajjeb fir-rigward tal-aċidità. Togħma dewwiema bi ħjiel ta' tuffieħ mill-varjetà tal-għenba li tintuża, iz-Zalema.

(b)   Vinagre Viejo Condado de Huelva

“Vinagre del Condado de Huelva” jiġi mmaturat fi krietel jew btieti tal-ballut, arrikkiti b'inbid likur ta' kwalità bid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Condado”, b'kontenut ta' alkoħol residwali minn dawn l-inbejjed ta' mhux aktar minn 3 % vol.

(b)(1)   Vinagre Viejo Condado de Huelva Solera.

Dan huwa “Vinagre del Condado de Huelva” immaturat bl-użu tal-metodu tradizzjonali “criaderas y soleras”, għal perjodu ta' mhux anqas minn sitt xhur.

Evalwazzjoni organolettika:

Apparenza: Kulur ambra bi sfumaturi kulur il-kawba. Intensità medja.

Aroma: Aromi aċetiċi bi ħjiel ta' frott niexef.

Togħma: Togħma ta' nbid, abbundanti u bbilanċjata fil-ħalq.

(b)(2)   Vinagre Viejo Condado de Huelva Reserva.

Dan huwa “Vinagre del Condado de Huelva” immaturat bl-użu tal-metodu tradizzjonali “criaderas y soleras”, għal perjodu ta' mhux anqas minn sentejn.

Evalwazzjoni organolettika:

Apparenza: Kulur il-kawba jagħti fl-aħmar b'illuminazzjonijiet ta' kulur ambra u intensità għolja ħafna.

Aroma: Aroma aggressiva, b'intensità aċetika għolja, bi ħjiel ta' nbid matur “Condado de Huelva”, b'reminixxenza ta' vanilja, tin imixxef u żbib.

Togħma: Togħma li tnixxiflek ħalqek u aċiduża ħafna.

(b)(3)   Vinagre Viejo Condado de Huelva Añada.

Dan huwa “Vinagre del Condado de Huelva” immaturat fi krietel tal-injam għal perjodu ta' mhux anqas minn tliet snin.

Evalwazzjoni organolettika:

Apparenza: Kulur il-kawba intens jagħti fl-aħmar, li jirrifletti t-togħma fina tal-ħall, intensa ħafna.

Aroma: Aromi aċetiċi qawwija, ħjiel ta' nbid likur u wkoll ta' ballut mill-krietel.

Togħma: Abbundanti, aċiduża, b'bilanċ rikk fil-ħalq u b'togħma intensa li tibqa' fit-tul. B'reminixxenza ta' frott imnixxef u ħwawar.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

Il-materja prima użata fil-produzzjoni tal-ħall tikkonsisti minn inbid abjad u nbid likur bid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Condado de Huelva”.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika:

Mhux applikabbli.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar eċċ.:

Mhux applikabbli.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

Tikketti awtorizzati mill-Bord Regolatorju u s-siġilli tal-kwalità li jiċċertifikaw li l-prodott huwa awtentiku jrid ikollhom il-kliem “Vinagre del Condado de Huelva”.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Il-muniċipalitajiet koperti mid-DPO “Vinagre del Condado de Huelva” huma Almonte, Beas, Bollullos Par del Condado, Bonares, Chucena, Gibraleón, Hinojos, La Palma del Condado, Lucena del Puerto, Manzanilla, Moguer, Niebla, Palos de la Frontera, Rociana del Condado, San Juan del Puerto, Trigueros, Villalba del Alcor u Villarrasa. Iż-żona testendi tul il-pjanura tal-Guadalquivir t'isfel u għandha konfini mal-Park Nazzjonali Doñana.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

(a)   Rabta naturali

Il-karatteristiċi tal-ħallijiet Condado de Huelva huma fuq kollox dawk ta' prodott mill-ambjent naturali fejn jiġu prodotti u mmaturati u huma influwenzati b'mod profond u uniku mill-prossimità tal-Park Nazzjonali Doñana, meqjus bħala wieħed mill-pulmuni tal-Ewropa. Iż-żona tal-Condado de Huelva hija magħrufa bħala l-“Entorno de Doñana” (ir-reġjun Doñana).

Il-Condado de Huelva jinsab fid-depressjoni tal-Guadalquivir, li tinsab fil-kwadrant tax-Xlokk tal-Provinċja ta' Huelva, li testendi minn qiegħ l-għoljiet tas-Sierra de Aracena sal-kosta u għandha konfini mal-Park Nazzjonali Doñana.

Il-pajsaġġ taż-żona fejn jiġi prodott u mmaturat il-ħall huwa ċatt jew kemxejn immewweġ, bi gradjenti li mkien ma jaqbżu 17 %, f'altitudnijiet li jitligħu minn 50 sa 180 m min-Nofsinhar sat-Tramuntana, b'ħamrijat uniformi minħabba l-kompożizzjoni rikka tal-materja prima.

Il-pożizzjoni ġeografika tal-Condado de Huelva tagħtih klima Mediterranja, għalkemm l-esponiment tiegħu għall-Atlantiku, iffaċilitat mir-riljiev, jirriżulta f'influwenzi oċeaniċi. Għalhekk il-klima hija relattivament milwiema.

Il-medja tat-temperatura massima hija pjuttost stabbli u tkun madwar 22,5 °C.

Il-medja tat-temperaturi minimi tvarja minn 9,8 °C sa 11,9 °C.

Il-medja tat-temperatura annwali tvarja bejn 15,8 °C u 16,9 °C.

Il-preċipitazzjoni tvarja minn 810 mm sa 716 mm.

Iż-żona tirċievi medja annwali ta' sigħat ta' xemx effettivi li tvarja bejn 3 000 u 3 100 siegħa.

L-umdità relattiva tvarja bejn 60 % u 80 %.

(b)   Rabta mal-bniedem

Hemm żewġ tipi ta' ħall prodotti fi Condado de Huelva:

L-ewwel wieħed jinkiseb bil-fermentazzjoni aċetuża ta' nbid abjad jew inbid likur bid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Condado de Huelva”, bl-użu tal-metodu industrijali tal-fermentazzjoni mgħaddsa bbażata fuq il-preżenza ta' koltura ta' batterji fl-inbid li jkun qed jiġi pproċessat f'ħall, u tinvolvi saturazzjoni kostanti tal-inbid bi bżieżaq tal-arja żgħar ħafna.

Biex jinkiseb dan it-tip ta' ħall “Vinagre Condado de Huelva”, il-fermentazzjoni titwettaq f'temperatura bejn 28 u 33 °C u l-arjazzjoni trid tkun xierqa kemm f'termini ta' kwalità kif ukoll ta' kwantità.

It-tieni tip, “Vinagre Viejo”, huwa magħmul mill-“Vinagre del Condado de Huelva”, u jiġi prodott fi tliet varjetajiet skont it-tip u l-perjodu ta' maturazzjoni użati, “Vinagre Viejo Solera”, “Vinagre Viejo Reserva” u “Vinagre Viejo Añada”.

Kemm il-“Vinagre Viejo Solera” u l-“Vinagre Viejo Reserva” jiġu mmaturati bl-użu tas-sistema tradizzjonali “criaderas y soleras”, li hija sistema dinamika fejn il-krietel u l-btieti tal-Ballut Amerikani jiqtiegħdu f'imniezel fil-forma ta' piramidi. Il-ħallijiet l-anqas maturi jitħalltu ma' dawk l-aktar maturi, bit-“traxxix” tal-ħall mill-ogħla ringiela tal-munzell, magħrufa bħala l-“criadera”, sa dik l-aktar baxxa, magħrufa bħala s-“solera”, li minnha ssir l-estrazzjoni. L-ispazju li jinħoloq fil-krietel jew il-btieti mbagħad jerġa’ jimtela bil-ħall l-aktar matur li jkun imiss u jibqgħu sejrin hekk. Din l-estrazzjoni u l-azzjoni ta' traxxix hija magħrufa bħala “correr escalas”, u b'dan il-mod jinkiseb ħall li huwa magħmul minn inbejjed ta' anni varji li minnhom tirriżulta l-uniformità tal-prodott finali. Karatteristika unika tal-ħall “Condado de Huelva” hija li tul il-proċess kollu tal-maturazzjoni sal-estrazzjoni, l-inbid likur jew l-inbid likur ta' kwalità bid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Condado de Huelva” jiżdied mal-ħallijiet jew jintuża biex jagħmilhom aktar rikki, b'hekk l-ossidazzjoni matul il-proċess ta' maturazzjoni tiġi ffaċilitata, ir-riħa tal-ħall titjieb permezz tal-formazzjoni ta' esteri u jiġu nutriti l-batterji aċetiċi fl-alkoħol li jiġi minn dawn l-inbejjed likuri jew l-inbejjed likuri ta' kwalità, sabiex l-aċidu aċetiku li jkun fforma diġà ma jitħalliex jiddeterjora.

Il-“Vinagre Viejo Solera” jiġi mmaturat għal minimu ta' sitt xhur fi krietel jew btieti tal-ballut u l-“Vinagre Viejo Reserva” għal minimu ta' erbgħa u għoxrin xahar.

Għall-kuntrarju tal-“Vinagre Viejo Solera” u l-“Vinagre Viejo Reserva”, il-“Vinagre Viejo Añada” jiġi mmaturat bl-użu tal-metodu tradizzjonali “Añadas” għal perjodu minimu ta' sitta u tletin xahar. F'dan il-każ il-ħall jiġi mmaturat fi krietel jew btieti fejn jista' jiżdied biss inbid likur jew inbid likur ta' kwalità. Dawn il-ħallijiet jiġu prodotti minn inbejjed ta' annu wieħed, għaliex mhuwa permess l-ebda tħallit, u l-karatteristiċi huma inerenti għall-annu inkwistjoni. Hawnhekk ukoll bħas-sistema tal-“criaderas y soleras”, iż-żieda ta' nbid likur u nbid likur ta' kwalità matul il-maturazzjoni tagħti lill-prodott finali karatteristiċi uniċi.

L-arkittetura tal-kmamar tal-maturazzjoni hija ddisinjata b'tali mod sabiex tinżamm temperatura kostanti bejn 15 u 18 °C matul is-sena kollha, bl-ogħla umdità relattiva possibbli (bejn 60 % u 80 %), ventilazzjoni tajba u orjentazzjoni xierqa. Dan jinkiseb permezz ta' soqfa għoljin u twieqi orjentati tajjeb u bit-traxxix bl-ilma tal-artijiet tat-tafal matul perjodi ta' temperaturi għoljin, ilkoll maħsuba biex joħolqu l-mikroklima meħtieġ biex tiġi żgurata l-maturazzjoni ideali tal-ħallijiet tagħna.

Il-krietel u l-btieti tal-ballut Amerikan użati fil-Condado de Huelva għandhom rwol fundamentali fit-titjib tal-kwalità tal-ħallijiet matul il-proċess tal-maturazzjoni. Il-porożità tal-ballut tippermetti li l-ħall jiġi f'kuntatt mal-ossiġnu fl-arja u tippermetti wkoll l-ossidazzjoni li tippromwovi l-maturazzjoni. Il-volum ta' ossiġnu li jgħaddi minn ġol-injam huwa stmat li jkun 25 ċm3 għal kull litru fis-sena. Dan kollu jiddependi mill-ħxuna u n-natura tal-injam.

Matul il-maturazzjoni, ikun hemm bidliet fil-kompożizzjoni kimika tal-ħall u dawn jikkawżaw bidliet fil-karatteristiċi tal-ħall. Il-proċessi involuti huma:

Evaporazzjoni

Estrazzjoni diretta mill-injam

Reazzjonijiet bejn il-komponenti tal-injam u l-ħall li jkun qiegħed jiġi prodott.

Reazzjonijiet bejn il-komponenti tal-ħall li jkun qiegħed jiġi mmaturat.

Proċessi kimiċi bħall-ossidazzjoni u l-idroliżi

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

(a)   Vinagre Condado de Huelva

Ħall prodott bil-fermentazzjoni aċetuża ta' nbid abjad u nbid likur bid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Condado de Huelva”.

Evalwazzjoni organolettika:

Apparenza: Bejn isfar mitfi u ambra u intensità ħafifa, xierqa għall-“Vinagre del Condado de Huelva”.

Aroma: Aromi aċetiċi bi ħjiel ta' nbid bid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Condado de Huelva”.

Togħma: Togħma ta' nbid ħafifa, ibbilanċjata tajjeb fir-rigward tal-aċidità. Togħma dewwiema bi ħjiel ta' tuffieħ mill-varjetà tal-għenba nattiva li tintuża, iz-Zalema.

(b)   Vinagre Viejo Condado de Huelva

Il-“Vinagre del Condado de Huelva” jiġi mmaturat fi krietel jew btieti, u huwa uniku għaliex waqt il-proċess tal-maturazzjoni jiġi arrikkit bl-inbejjed likuri u bl-inbejjed likuri ta' kwalità bid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Condado de Huelva”, li tagħtihom ċerti karatteristiċi uniċi, b'kontenut ta' alkoħol residwali minn dawn l-inbejjed ta' mhux aktar minn 3 % vol.

Hemm tliet subkategoriji ta' dan il-ħall, li jvarjaw skont it-tip u l-perjodu tal-maturazzjoni.

Evalwazzjoni organolettika:

 

Vinagre Viejo Condado de Huelva Solera.

Apparenza: Kulur ambra bi sfumaturi kulur il-kawba. Intensità medja.

Aroma: Aromi aċetiċi bi ħjiel ta' frott niexef.

Togħma: Togħma ta' nbid, abbundanti u bbilanċjata fil-ħalq.

 

Vinagre Viejo Condado de Huelva Reserva.

Apparenza: Kulur il-kawba jagħti fl-aħmar b'illuminazzjonijiet ta' kulur ambra u intensità għolja ħafna.

Aroma: Aroma aggressiva, b'intensità aċetika għolja, bi ħjiel ta' nbid matur Condado de Huelva, b'reminixxenza ta' vanilja, tin imixxef u żbib.

Togħma: Togħma li tnixxiflek ħalqek u aċiduża ħafna.

 

Vinagre Viejo Condado de Huelva Añada.

Apparenza: Kulur il-kawba intens jagħti fl-aħmar, li jirrifletti t-togħma fina tal-inbid li hija intensa ħafna.

Aroma: Aromi aċetiċi qawwija bi ħjiel ta' nbid likur u wkoll ta' ballut mill-krietel.

Togħma: Abbundanti, aċiduża, b'bilanċ rikk fil-ħalq u b'togħma intensa li tibqa' fit-tul. B'reminixxenza ta' frott imnixxef u ħwawar.

Analiżi kromatika tal-ħallijiet bid-Denominazzjoni Protetta tal-Oriġini “Vinagre del Condado de Huelva” bl-użu ta' kolorimetrija bi trażmissjoni tagħti l-valuri li ġejjin bħala karatteristiċi ta' distinzjoni:

(a)   Valur massimu ta' ċarezza (L*): 93 %.

(b)   Intensità tal-kulur espress bil-kroma (Cab): akbar minn 20 unità.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Il-karatteristiċi li jiddistingwu lill-“Vinagre del Condado de Huelva” huma primarjament konsegwenza tal-materja prima li minnha huwa magħmul, inbid bid-Denominazzjoni tal-Oriġini “Condado de Huelva”, li l-karatteristiċi uniċi tiegħu huma dovuti għall-varjetà tal-għenba nattiva li tintuża, iz-Zalema li hija nattiva u esklussiva għaż-żona ġeografika identifikata, u għall-produzzjoni u l-maturazzjoni tiegħu f'Condado de Huelva.

Barra minn hekk, minħabba l-pożizzjoni ġeografika taż-żona koperta bid-Denominazzjoni tal-Oriġini, l-ossidazzjoni hija ffavorita mill-umdità relattiva għolja, minn temperaturi mhux ħarxa u minn kontenut ta' ossiġenu ogħla fl-arja minħabba l-prossimità tal-Oċean Atlantiku u l-Park Nazzjonali Doñana.

Il-pajsaġġ ċatt jew kemxejn immewweġ jiffaċilita l-wasla ta' dawn il-kurrenti ta' arja. L-orjentazzjoni u l-arkitettura tal-kmamar tal-maturazzjoni jippermettu ventilazzjoni tajba, u jiffavorixxu t-trasferiment tal-ossiġenu minn ġol-ballut tal-krietel u l-btieti.

Il-kundizzjonijiet klimatiċi jaffettwaw il-produzzjoni tal-“Vinagre Viejo”, u jippermettu wkoll li l-ħall jiġi mmaturat fil-btieħi magħluqa tal-istallazzjonijiet tal-produtturi.

Il-valur tal-parametri jiddetermina l-karatteristiċi tal-ħallijiet.

Il-kontenut ta' alkoħol residwali huwa r-riżultat tal-arrikkiment tal-ħallijiet bl-inbid likur u bl-inbid likur ta' kwalità ċċertifikati mill-Bord Regolatorju tad-Denominazzjoni tal-Oriġini “Condado de Huelva” u jista' jkun sa 3 % vol.

Il-porożità tal-injam użat għall-produzzjoni tal-krietel u l-btieti tippermetti li l-ħall jiġi f'kuntatt mal-ossiġenu, u tiffaċilità l-fermentazzjoni aċetuża u tagħti kontenut minimu ta' aċidu volatili ta' 70 gm/l.

Matul il-maturazzjoni, il-volum tal-ħall jitnaqqas bl-evaporazzjoni, li żżid il-kwantità ta' estratt niexef, li tiżdied aktar hekk kif is-sustanzi jiġu estratti mill-injam u l-komponenti tal-injam u l-ħall jirreaġixxu ma' xulxin.

It-traxxix bl-ilma tal-artijiet tat-tafal hija prattika użata fil-kmamar tal-maturazzjoni tal-inbid sabiex jiġu kkontrollati l-umdità relattiva u t-temperatura u jiġi żgurat li jibqgħu stabbli matul il-proċess ta' maturazzjoni, filwaqt li tiġi promossa maturazzjoni tajba tal-ħallijiet u jitnaqqas it-telf mill-evaporazzjoni.

Matul il-maturazzjoni, il-kontenut ta' linjina tal-injam jitnaqqas bi proċess ta' idroliżi kkawżat mill-etanol u l-ilma. L-idroliżi hija l-proċess prinċipali li minnha jgħaddu s-sustanzi mill-kartell jew mill-bettija għal ġol-ħall u din tinfluwenza l-aroma u l-kulur tal-ħallijiet li jkunu qed jimmaturaw.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

(Boletín Oficial de la Junta de Andalucía Nru 184 tas-16 ta' Settembru 2008, paġna 29.)

http://www.juntadeandalucia.es/agriculturaypesca/portal/opencms-cap/opencms/handle404?exporturi=/agriculturaypesca/portal/export/sites/default/comun/galerias/galeriaDescargas/cap/industrias-agroalimentarias/denominacion-de-origen/Pliegos/Pliego_Vinagre_Condado.pdf&exporturi=/agriculturaypesca/portal/export/sites/default/comun/galerias/galeriaDescargas/cap/industrias-agroalimentarias/denominacion-de-origen/Pliegos/Pliego_Vinagre_Condado.pdf


24.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 319/12


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 319/07

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“VINAGRE DE JEREZ”

Nru tal-KE: ES-PDO-0005-0723-15.10.2008

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Denominazzjoni:

“Vinagre de Jerez”

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

Spanja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.8:

Prodotti oħra tal-Anness I għat-Trattat (ħwawar, eċċ.).

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1):

Il-“Vinagre de Jerez” huwa l-prodott li jirriżulta mill-fermentazzjoni aċetuża ta' nbejjed adatti prodotti fiż-żona tal-produzzjoni, prodotti u mmaturati skont il-metodi tradizzjonali deskritti fil-punt 3.5 u li għandhom il-karatteristiċi organolettiċi u analitiċi deskritti hawn taħt.

Il-karatteristiċi analitiċi speċifiċi tal-ħallijiet protetti huma dawn:

il-kontenut ta' alkoħol reżidwali ma għandux ikun ta' aktar minn 3 % tal-volum, bl-eċċezzjoni tal-ħallijiet Pedro Ximénez jew Moscatel fejn l-alkoħol ma għandux jaqbez l-4 % tal-volum;

l-aċidità totali ta' aċidu aċetiku trid tilħaq tal-anqas 70 gramma/litru, bl-eċċezzjoni tal-ħall Pedro Ximénez jew Moscatel fejn l-aċidità tista' tkun ta' 60 gramma/litru. Fil-każ tal-ħallijiet tat-tip Gran Reserva, l-aċidità totali minima ta' aċidu aċetiku trid tkun 80 gramma/litru;

l-estratt niexaf minimu jrid jilħaq 1,3 grammi kull litru u grad aċetiku, filwaqt li jrid jilħaq tal-anqas 2,3 grammi kull litru u grad tal-aċidu aċetiku għall-kategorija Vinagre de Jerez Gran Reserva;

il-kontenut ta' rmied irid ikun bejn 2 u 7 grammi/litru, bl-eċċezzjoni tal-kategorija Vinagre de Jerez Gran Reserva fejn il-kontenut ta' rmied irid ikun bejn 4 u 8 grammi/litru;

kontenut massimu ta' sulfat ta' 3,5 grammi/litru;

tal-anqas 60 gramma/litru tal-kontenut tal-“Vinagre de Jerez” tal-Pedro Ximénez jew tal-Moscatel irid ikun materja li tirriduċi li tkun ġejja minn dawn l-istess tipi ta' nbejjed.

Il-ħallijiet protetti permezz tad-DPO “Vinagre de Jerez” għandu kulur li jvarja bejn d-deheb antik u l-kawba, u dehra intensa u lixxa. It-togħma tiegħu hija intensa, naqra alkoħolika, bi predominanza ta' tgħim ta' nbid u njam. Minkejja l-aċidità tagħhom, it-togħma hija pjaċevoli u persistenti fil-ħalq.

Skont il-perjodu tal-maturazzjoni li jiġu soġġetti għalih il-ħallijiet protetti, wieħed jista' jiddistingwi l-kategoriji li ġejjin:

(a)

Vinagre de Jerez: ħall protett b'din id-DPO li jiġi soġġett għal perjodu ta' maturazzjoni ta' mill-anqas sitt xhur.

(b)

Vinagre de Jerez Reserva: ħall protett b'din id-DPO li jiġi soġġett għal perjodu ta' maturazzjoni ta' mill-anqas sentejn.

(c)

Vinagre de Jerez Gran Reserva: ħall protett b'din id-DPO li jiġi soġġett għal perjodu ta' maturazzjoni ta' mill-anqas għaxar snin.

Barra minn dan, skont jekk jintużawx inbejjed tal-varjetajiet korrispondenti, wieħed għandu jiddistingwi t-tipi ta' “Vinagre de Jerez” semiħelwin elenkati hawn taħt, li jistgħu jiddaħħlu f'kull waħda mill-kategoriji deskritti hawn fuq:

Vinagre de Jerez al Pedro Ximénez: ħall protett permezz ta' din id-DPO li matul il-proċess tal-maturazzjoni tiegħu jiżdiedlu nbid tat-tip Pedro Ximénez.

Vinagre de Jerez al Moscatel: ħall protett permezz ta' din id-DPO li matul il-proċess tal-maturazzjoni tiegħu jiżdiedlu nbid tat-tip Moscatel.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti proċessati biss):

Il-ħallijiet protetti permezz tad-denominazzjoni tal-oriġini “Vinagre de Jerez” jinkiseb esklussivament bil-fermentazzjoni aċetika ta' “nbejjed adatti”.

Għalhekk, il-materja prima biex isiru l-ħallijiet Jerez tikkonsisti fl-hekk imsejjħa “nbejjed adatti”. Dawn l-inbejjed jiġu mill-kantini li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni tal-ħall li tikkoinċidi maż-żona tal-produzzjoni tad-denominazzijiet tal-oriġini Jerez-Xérès-Sherry u Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda. Jistgħu jkunu:

(a)

inbejjed tal-annu mibgħuta skont il-grad naturali ta' alkoħol volumetriku tagħhom jew

(b)

inbejjed qodma li jkunu waslu fi tmiem il-perjodu ta' maturazzjoni medja minima tagħhom stabbilit mill-ispeċifikazzjonjiet rispettivi tagħhom.

Dawn l-inbejjed jiġu prodotti skont il-kundizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet ta' dawn d-denominazzjonijiet ta' nbid, f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti għall-provenjenza tal-għeneb li jiġi miż-żona tad-DPO u mal-prassi enoloġiċi definiti fir-regolamentazzjoni applikabbli.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Mhux applikabbli.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

(a)   Denaturazzjoni

Il-konsinni kollha ta' nbid adatt iridu jgħaddu minn denaturazzjoni permezz tal-aċetifikazzjoni parzjali malli jidħlu fl-impjant tal-kantini reġistrati, u biex isir dan jintuża l-ħall mill-ħażniet tagħhom fi kwantità biżżejjed biex it-taħlita tikseb minimu ta' 1° ta' aċidu aċetiku.

(b)   Aċetifikazzjoni

L-aċetifikazzjoni tikkonsisti fit-trasformazzjoni tal-kontenut ta' alkoħol li jkun hemm fl-inbid f'aċidu aċetiku permezz tal-azzjoni tal-batterji aċetiċi. Wieħed jista' jiddistingwi żewġ proċessi għall-produzzjoni tal-“Vinagre de Jerez”:

1.

Dak li jsir mill-istabbilimenti magħrufa bħala “Bodegas de Elaboración de Vinagre”: Stallazzjonijiet industrijali b'aċetifikaturi fejn il-materja prima – l-inbid adatt – tiġi ttrasformata f'ħall adatt permezz ta' proċess ta' fermentazzjoni aċetika kkontrollata.

2.

Dak li jsir fil-“Bodegas de Crianza y Expedición de vinagres” permezz ta' proċess ta' aċetifikazzjoni li jseħħ fl-istess btieti tal-injam fejn issir il-maturazzjoni.

(c)   Maturazzjoni jew tqaddim

Is-sistema ta' maturazzjoni jew tqaddim speċjali meħtieġa biex isiru l-ħallijiet protetti tista' tkun skont is-sistema klassika msejħa “criaderas y solera” jew skont is-sistema msejħa “de añadas” li għalihom jiġu soġġetti l-ħallijiet adatti matul il-perjodu meħtieġ biex jinkisbu l-kwalitajiet organolettiċi u analitiċi ta' kull tip ta' ħall.

(a)   Kontenituri użati għall-maturazzjoni

Il-ħażniet kollha tal-ħall soġġetti għall-maturazzjoni jridu jiġu maħżuna fi btieti tal-injam li qabel kienu jintużaw għall-maturazzjoni tal-inbid, ta' kapaċità massima ta' 1 000 litru. Eċċezzjonalment, il-Bord Regolatorju jista' japprova wkoll l-użu ta' btieti tal-injam b'kapaċità akbar minn 1 000 litru għall-maturazzjoni tal-inbid, sakemm dawn il-btieti jkollhom karattru storiku u l-użu tagħhom ikun ġie rreġistrat għal dan l-iskop mal-Bord Regolatorju, qabel il-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet.

(b)   Dewmien medju tal-maturazzjoni

Il-ħallijiet kollha jridu jkunu ġew immaturati għal mill-anqas sitt xhur qabel ma jkun jista' jiġi offrut għall-konsum. Fil-każ tal-“Vinagre de Jerez Reserva”, id-dewmien medju minimu tal-maturazzjoni huwa sentejn u fil-każ tal-“Vinagre de Jerez Gran Reserva” huwa għaxar snin.

Il-ħallijiet li jiġu interament mill-istess annu u li għalhekk jimmaturaw mingħajr qatt ma jitħalltu ma' ħallijiet ta' anni oħra, jistgħu jissejħu “añada”, bil-kundizzjoni li mill-anqas ikunu ġew immaturati għal sentejn. Dan it-titlu huwa kompatibbli mat-titli l-oħra msemmija fil-punt 3.2 bil-kundizzjoni li l-inbid ikollu l-karatteristiċi meħtieġa f'kull każ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

Il-kontenituri li fihom ikun hemm il-“Vinagre de Jerez” iddestinat għall-konsum dirett iridu jkunu tal-ħġieġ jew ta' materjal ieħor li ma jibdilx il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott u jkollu l-kapaċitajiet nominali li huma awtorizzati għal dan il-prodott alimentari l-ħin kollu.

L-ibbottiljar tal-“Vinagre de Jerez” jista' jsir:

1.

fil-faċilitajiet tal-ibbottiljar li jappartjenu lill-impriżi mniżżla fir-reġistru tal-“Bodegas de Crianza y Expedición de Vinagres”, jew inkella,

2.

fil-faċilitajiet tal-ibbottiljar approvati mill-Bord Regolatur, li jkunu proprjetà ta' operaturi ekonomiċi li jinsabu fiż-żona tal-produzzjoni jew barra minnha u li jixtru l-“Vinagre de Jerez” fi kwantitajiet kbar minn impriżi rreġistrati u li ma jipparteċipawx ħlief fil-fażi tal-ibbottiljar.

Fiż-żewġ każi, biex jiġu approvati, dawn l-ibbottiljaturi jridu jippruvaw quddiem il-Bord Regolatorju li jissodisfaw l-obbligi legali li japplikaw għalihom għall-attività tal-ibbottiljar tal-ħall f'kull reġjun u li għandhom sistema tal-kontroll tal-kwalità li tiżgura t-traċċabbiltà totali u l-użu tajjeb tal-prodott li jkunu xtraw mill-kantini reġistrati bil-ħsieb li jibbottiljawh.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

It-tikketti u l-kontrotikketti tal-ħallijiet ibbottiljati iridu ta' bilfors ikollhom, b'manjiera viżibbli, il-kliem “Denominación de Origen ‘Vinagre de Jerez’ ”. Iridu wkoll jindikaw it-tip ta' ħall konċernat, kif ukoll l-informazzjoni ġenerali kif stipulat mil-leġiżlazzjoni applikabbli. Barra minn hekk il-fliexken irid ikollhom siġill ta' garanzija mill-Bord Regolatorju, jew kontrotikketta li jrid ikollha s-simbolu distintiv tad-DPO kif ukoll kodiċi alfanumeriku tal-identifikazzjoni, f'konformità man-normi stabbiliti mill-Bord Regolatorju.

Il-Bord Regolatorju jivverifika li t-tikketti li fuqhom jidher l-isem protett “Vinagre de Jerez” huma konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet u tar-regolamentazzjoni tal-ittikkettar xieraq tad-denominazzjoni tal-oriġini.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona tal-produzzjoni tal-“Vinagre de Jerez” hija magħmula mill-artijiet rilevanti tal-muniċipalitajiet ta' Jerez de la Frontera, El Puerto de Santa María, Sanlúcar de Barrameda, Trebujena, Chipiona, Rota, Puerto Real u Chiclana de la Frontera (provinċja ta' Cadix), u minn Lebrija (provinċja ta' Sevilja) li jinsabu fil-Lvant ta' 5° 49′ lonġitudni fil-Punent u fin-Nofsinhar ta' 36° 58′ ta' latitudni fit-Tramuntana.

Iż-żona tal-produzzjoni deskritta tikkoinċidi maż-żona tal-produzzjoni tad-denominazzjonijiet tal-oriġini Jerez-Xérès-Sherry u Manzanilla-Sanlúcar de Barrameda.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

L-ispeċifiċità taż-żona tal-produzzjoni tal-“Vinagre de Jerez” hija bbażata fuq il-fatturi storiċi, naturali u umani.

(a)   Fatturi storiċi

Il-kultura tat-tkabbir tal-għeneb u l-produzzjoni tal-inbid u l-ħall ilhom fost l-attivitajiet l-aktar importanti tar-reġjun ta' Xérès tul l-istorja millenarja kollha tiegħu li tmur lura sa żmien il-Feniċi. Is-sitwazzjoni ġeografika tal-“Marco de Jerez” (ir-reġjun tal-produzzjoni tax-Xérès), qrib portijiet kummerċjali ta' importanza storika kbira bħal dawk ta' Cadix jew ta' Sevilja tispjega għalfejn l-inbejjed u l-ħallijiet lokali kienu ta' spiss ikunu fost il-merkanzija tax-xwieni lejn l-Amerika jew is-swieq tat-Tramuntana tal-Ewropa u għalfejn il-maturazzjoni tal-inbejjed u l-ħallijiet kienet issir fi btieti magħmula fil-kolonji lil hinn mix-xtut, minn ballut Amerikan. Bl-istess mod is-sistema ta' Criaderas y Soleras, element tipiku tal-vinikoltura fir-reġjun ta' Xérès, ċarament tmur lura għas-seklu tmintax u għall-bżonn li tiġi ssodisfata d-domanda tas-swieq għal inbejjed u ħallijiet ta' kwalità kostanti, indipendentament mill-varjazzjonijiet ta' kull ħsad.

(b)   Fatturi naturali

Iż-żona tal-produzzjoni hija kkaratterizzata mill-art ċatta jew kemm kemm immewwġa b'xaqlib ta' bejn 10 u 15 % fejn it-tip ta' ħamrija predominanti tissejjaħ “albariza”, ħamrija ratba, b'kulur abjad u b'kapaċità kbira li żżomm l-umdità. Din il-ħamrija hija komposta minn karbonat tal-kalċju, tafal u silika. Il-klima hija waħda sħuna, b'temperaturi minimi fix-xitwa ta' madwar 5 °C u b'temperaturi massimi fis-sajf ta' madwar 35 °C. Iż-żona tal-produzzjoni tgawdi minn aktar minn 300 jum xemx fis-sena u x-xita medja annwali hija ta' madwar 600 litru kull m2, li tinżel l-aktar matul ix-xhur ta' Novembru, Diċembru u Marzu. Fi kwalunkwe każ, dan il-fattur irid jitqies flimkien mal-kapaċità tal-ħamrija bajda (albarizas) tipika tar-reġjun li żżomm l-umdità u tevita l-evaporazzjoni. Fl-aħħar nett, ta' min jinnota l-influwenza klimatika konsiderevoli taż-żewġt irjieħ dominanti tar-reġjun: ir-riħ tal-Lvant (viento de Levante), li jonfoħ minn ġewwa, xott u sħun u r-riħ tal-Punent (viento de Poniente), li jiġi minn fuq l-oċean, ikun mimli umdità u jaġixxi bħala element moderatur, speċjalment fis-sajf.

(c)   Fatturi umani

Is-sistema predominanti ta' maturazzjoni tal-“Vinagre de Jerez”, imsejħa criaderas y soleras hija sistema tipika taż-żona tal-produzzjoni, l-istess kif inhu l-użu tal-“bota”, bettija tipika magħmula mill-ballut Amerikan u li jkollha riħa qawwija ta' nbid. L-arkitettura għandha rwol importanti wkoll fil-karatteristiċi tal-ħallijiet bid-denominazzjoni tal-oriġini “Vinagre de Jerez”. Il-kantini tal-maturazzjoni tal-ħallijiet normalment ikollhom soqfa għoljin u mżerżqa u jikkontribwixxu biex ikun hemm volum kbir ta' arja li jilqa' kontra l-varjazzjonijiet fit-temperatura esterna. Il-ħitan ġeneralment ikunu ħoxnin biżżejjed biex jiżguraw l-iżolament u t-twieqi, li jkunu jinsabu f'ċertu għoli, jippermettu ċ-ċirkulazzjoni tal-arja u taż-żiffa friska tal-Punent matul il-lejl kif ukoll jevitaw li l-btieti jiġu esposti għad-dawl dirett.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

L-ispeċifiċità tal-“Vinagre de Jerez” tiġi fuq kollox mill-materja prima li jsir minnha: l-inbejjed adatti. Iż-żona tal-produzzjoni hija l-istess waħda tal-inbejjed li għandhom karattru tipiku ħafna u xi karatteristiċi huma ċarament perċettibbli fil-“Vinagre de Jerez”. Il-firxa tal-kuluri tvarja bejn id-deheb antik u l-kawba, u l-aromi huma kemm xejn alkoħoliċi, b'tgħim predominanti ta' nbid u njam.

Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet klimatiċi tar-reġjun u l-karatteristiċi arkitettoniċi tal-kantini, li jgħinu biex tiġi ġġenerata mikroklima speċifika, jiffavorixxu konċentrazzjoni ta' komponenti tal-ħall tul il-proċess tal-maturazzjoni, ħaġa li twassal għal persistenza twila fil-ħalq.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Il-karatteristiċi orografiċi, tal-ħamrija u klimatiċi kollha msemmija hawn fuq jagħtu lill-għeneb taż-żona tal-produzzjoni l-karatteristiċi distintivi li jiddefinixxu l-parti l-kbira tal-partikularitajiet tal-inbejjed adatti u għalhekk tal-“Vinagre de Jerez” li jsir minnhom. L-influwenza tal-fatturi naturali tal-inbejjed adatti li l-ewwel li jiġu huwa mill-varjetajiet tal-għeneb (Palomino, Moscatel u Pedro Jiménez) hija determinanti. Fir-reġjuni sħan bħal dawk taż-żona tal-produzzjoni tal-“Vinagre de Jerez”, il-maturazzjoni tal-għeneb ġeneralment hija aktar mgħaġġla u l-meraq tagħhom, li huwa ħelu ħafna, normalment ikollu valuri ta' aċidità relattivament baxxi. Fiż-żona tal-produzzjoni x-xemx tisreġ il-ħin kollu matul il-perjodu li fih jikber l-għeneb u tippermetti lill-frott jiżviluppa u jimmatura sew. Iż-żona tal-produzzjoni hija kkaratterizzata wkoll bi sjuf niexfa li jikkoinċidu mal-perjodu bejn meta l-għeneb ikun sar u l-ħsad, kif ukoll bi predominanza ta' riħ estremament sħun u xott. F'dan il-kuntest, ir-riħ tal-Punent li jiġi minn fuq l-Atlantiku u b'karatteristika termali distintiva matul is-sajf sikwit iġib miegħu żiffa matul il-lejl li tipproduċi ħafna nida, u li tikkompensa għan-nuqqas ta' ilma li jista' jkun aggravat bix-xemx qawwija tar-reġjun. F'dan is-sens, il-ħamrija tal-albarizas ukoll għandha rwol deċiżiv minħabba l-kapaċità tagħha li żżomm l-umdità li tippermetti li tinżamm riżerva ta' ilma fil-ħamrija ta' taħt.

Min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi li jiġu mit-taħlita ta' ħmira magħżula fi żminijiet żemżem u marbuta mal-kundizzjonijiet ambjentali tar-reġjun għandhom importanza kbira. Il-metaboliżmu tal-alkoħol u tal-polialkoħols tal-inbid, li jiżviluppaw permezz tal-ħmira alkolizzanti li tinsab fir-reġjun tal-produzzjoni tax-Xérès (Marco de Jerez), toħloq taħlita ta' elementi sekondarji u alterazzjoni tal-komposti primarji tal-inbid deskritti kif ġej: tnaqqis fil-kontenut tal-gliċerol, żieda fil-kontenut tal-aċetaldeidi u tal-prodotti tal-esterifikazzjoni L-aċetaldeidi li jinkisbu mbagħad jittrasformaw ruħhom f'aċeton, element li fil-preżenza ta' alkoħols superjuri, joħloq l-aroma karatteristika tal-“Vinagre de Jerez”. Il-preżenza ta' kwantità għolja ta' alkoħol reżidwali hija wkoll ta' importanza konsiderevoli għall-kwalità u l-personalità tal-“Vinagre de Jerez”, għax tippermetti l-produzzjoni tal-komposti esterifikati (prinċipalment l-aċetat tal-etil), li jqawwu l-ħall billi jagħtuh komplessità akbar u ekwilibru tal-aromi primarji tal-aċetifikazzjoni.

Barra minn dan, il-maturazzjoni fil-btieti u l-kundizzjonijiet mikroklimatiċi partikolari tal-kantini jiffavorixxu li l-ħall jieħu karatteristiċi partikulari ħafna. It-tip ta' btieti użati għandhom kapaċità ta' mikroossiġenazzjoni ideali biex il-ħallijiet jiżviluppaw bil-mod u jippermetti wkoll ir-rilaxx progressiv ta' komponenti matul il-maturazzjoni. Dan kollu jippermetti l-istabbilizzazzjoni tas-sustanzi li jagħtu l-kulur, li jiffurmaw il-komposti polimeriċi u li l-ħall jieħu l-kulur karatteristiku tiegħu li jvarja bejn l-ambra u l-kawba, it-tgħim tiegħu ta' vanilja u l-aromi tiegħu ta' kafé misjur u bil-ħalib. Aktar minn hekk, l-emiċelluloża tal-injam tiffavorixxi l-evaporazzjoni progressiva tal-kontenut tal-ilma, u b'hekk iżżid l-estratt niexef, il-mlieħ minerali u l-kontenut tal-irmied tal-ħall.

Is-sistema tal-criaderas y soleras, il-metodu tal-maturazzjoni l-aktar użat fiż-żona konċeranta, tiffavorixxi omoġenizzazzjoni importanti tal-ħallijiet għax timmodera l-effett tal-anni differenti. Fl-aħħar nett, l-istruttura arkitettonika tal-kantini tar-reġjun tal-produzzjoni tax-Xérès, li tippermetti li jinżammu l-kundizzjonijiet mikroklimatiċi, ma tiffavorixxix biss l-ossiġenazzjoni bil-mod tal-ħallijiet iżda tiżgura wkoll, fil-kundizzjonijiet ottimali, il-konservazzjoni tal-btieti fejn issir il-maturazzjoni tal-“Vinagre de Jerez”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet:

(l-Artikolu 5, il-paragrafu 7, tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.juntadeandalucia.es/agriculturaypesca/portal/export/sites/default/comun/galerias/galeriaDescargas/cap/industrias-agroalimentarias/denominacion-de-origen/Pliegos/pliego_vinagre_jerez.pdf