ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.299.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 299

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
5 ta' Novembru 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

III   Atti preparatorji

 

IL-KUNSILL

 

Il-Kunsill

2010/C 299/01

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-qafas għall-implimentazzjoni ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (l-ewwel qari)

1

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 299/02

Rata tal-kambju tal-euro

3

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 299/03

Notifika tat-tnedija ta' reviżjoni parzjali interim tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ coumarin li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

4

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kunsill

2010/C 299/04

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/795/PESK (Anness II) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 (Anness V)

6

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 299/05

Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

7

MT

 


III Atti preparatorji

IL-KUNSILL

Il-Kunsill

5.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/1


Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-qafas għall-implimentazzjoni ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (l-ewwel qari)

2010/C 299/01

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ prijorità tas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (STI)

1.

L-Artikolu 6(2) tat-test tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għandu jaqra kif ġej:

2.

Il-Kummissjoni għandha timmira li tadotta speċifikazzjonijiet għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta’ prijorità sa … (1).

Sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għal azzjoni ta’ prijorità, il-Kummissjoni għandha tippreżenta, fejn meħtieġ, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 294 tat-TFUE, proposta dwar l-implimentazzjoni ta’ dik l-azzjoni ta’ prijorità, wara li twettaq analiżi tal-impatt li tinkludi analiżi kost-benefiċċju.

2.

Abbażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, il-Kummissjoni hija tal-fehma li għall-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għall-azzjonijiet ta’ prijorità kif imsemmijin fl-Artikolu 3, tista’ tkun prevista l-iskeda ta’ żmien indikattiva li ġejja:

Tabella

Skeda ta’ żmien indikattiva għall-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet ta’ prijorità

Speċifikazzjonijiet għal:

Mhux aktar tard minn:

il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha kif stipulat fl-Artikolu 3 (a)

2014

il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku fil-ħin reali fl-UE kollha kif stipulat fl-Artikolu 3 (b)

2013

id-data u l-proċeduri għall-forniment, fejn ikun possibbli, ta’ informazzjoni minima universali tat-traffiku relatata mas-sikurezza tat-toroq mingħajr ħlas għall-utenti kif stipulat fl-Artikolu 3 (c);

2012

il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha kif stipulat fl-Artikolu 3 (d);

2012

il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali kif stipulat fl-Artikolu 3 (e);

2012

il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali kif stipulat fl-Artikolu 3 (f);

2013

Din l-iskeda ta’ żmien indikattiva hija bbażata fuq l-ipotesi li l-ftehim dwar id-Direttiva dwar is-STI bejn il-PE u l-Kunsill jintlaħaq malajr permezz tat-tieni qari li jsir kmieni fil-bidu tal-2010.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltà

L-implimentazzjoni u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI jistgħu jqajmu numru ta’ kwistjonijiet ta’ responsabbiltà li jistgħu jkunu ostakolu kbir għall-penetrazzjoni wiesgħa fis-suq ta’ xi servizzi tas-STI. L-ittrattar ta’ dawn il-kwistjonijiet jikkostitwixxi waħda mill-azzjonijiet ta’ prijorità mressqa mill-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha dwar is-STI.

B'kont meħud tal-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja eżistenti dwar ir-responsabbiltà, u partikolarment id-Direttiva 1999/34/KE, il-Kummissjoni ser tissorvelja b'attenzjoni l-iżviluppi fl-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI. Jekk meħtieġ u adatt, il-Kummissjoni ser telabora linji gwida dwar ir-responsabbiltà, partikolarment li jiddeskrivu l-obbligi tal-partijiet interessati fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI.

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni rigward in-notifika ta’ atti delegati

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu nota li ħlief fil-każijiet fejn l-att leġislattiv jipprevedi proċedura ta’ urġenza, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkunsidraw li n-notifika ta’ atti delegati għandha tieħu f'kont il-perijodi ta’ btala tal-istituzzjonijiet (ix-xitwa, is-sajf u l-elezzjonijiet Ewropej), sabiex jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma kapaċi jeżerċitaw il-prerogattivi tagħhom fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-atti leġislattivi rilevanti, u tinsab lesta li taġixxi skont il-każ.

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni rigward l-Artikolu 290 tat-TFUE

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jiddikjaraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe pożizzjoni futura tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 TFUE jew atti leġislattivi individwali li fihom tali dispożizzjonijiet.


(1)  ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data: 30 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

5.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/3


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-4 ta’ Novembru 2010

2010/C 299/02

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,4244

JPY

Yen Ġappuniż

115,15

DKK

Krona Daniża

7,4547

GBP

Lira Sterlina

0,87585

SEK

Krona Żvediża

9,2550

CHF

Frank Żvizzeru

1,3782

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

8,1480

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,408

EEK

Krona Estona

15,6466

HUF

Forint Ungeriż

272,40

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7097

PLN

Zloty Pollakk

3,8958

RON

Leu Rumen

4,2848

TRY

Lira Turka

1,9830

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4056

CAD

Dollaru Kanadiż

1,4269

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

11,0404

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7889

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,8280

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 571,18

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

9,6600

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

9,4915

HRK

Kuna Kroata

7,3445

IDR

Rupiah Indoneżjan

12 661,75

MYR

Ringgit Malażjan

4,3916

PHP

Peso Filippin

60,217

RUB

Rouble Russu

43,4300

THB

Baht Tajlandiż

42,298

BRL

Real Brażiljan

2,3960

MXN

Peso Messikan

17,4046

INR

Rupi Indjan

62,9370


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

5.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/4


Notifika tat-tnedija ta' reviżjoni parzjali interim tal-miżuri tal-antidumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ coumarin li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2010/C 299/03

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ddeċidiet, minn jeddha, li tniedi reviżjoni interim parzjali tal-miżuri tal-antidumping fir-rigward ta' importazzjonijiet ta' coumarin li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-Regolament bażiku). Ir-reviżjoni hija ristretta fl-ambitu għall-eżami ta' ħsara.

1.   Il-prodott

Il-prodott taħt reviżjoni huwa coumarin li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”), li bħalissa huwa klassifikabbli fi ħdan il-kodiċi NM ex 2932 21 00.

2.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju antidumping definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 654/2008 (2) fuq importazzjonijiet ta’ coumarin li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, kif estiż għall-importazzjonijiet ta’ coumarin konsenjati mill-Indja, mit-Tajlandja, mill-Indoneżja u mill-Malażja, kemm jekk dikjarati li joriġinaw fl-Indja, fit-Tajlandja, fl-Indoneżja u fil-Malażja kif ukoll jekk le, u impriża aċċettata minn produttur wieħed Indjan (Atlas Fine Chemicals Pvt. Ltd) (3).

3.   Raġunijiet għar-reviżjoni

Il-Kummissjoni ġiet infurmata li saru xi tibdiliet lill-industrija tal-Unjoni tal-coumarin.

Il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-uniku produttur tal-coumarin, li jikkostitwixxi l-industrija tal-Unjoni fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti, iddeċieda li jwaqqaf il-produzzjoni tal-coumarin fl-Unjoni Ewropea fl-aħħar ta' Awwissu 2010. Minħabba dan il-fatt, il-miżuri eżistenti huma allegatament mhux aktar meħtieġa u għalhekk għandhom jintemmu.

4.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata t-tnedija ta' reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni b'dan qiegħda tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, limitata fl-ambitu għall-eżami tal-ħsara. Ser isir eżami dwar jekk hijiex iġġustifikata jew le ż-żamma tal-miżuri antidumping eżistenti

(a)   Il-ġbir tat-tagħrif u l-organizzazzjoni tas-seduti ta’ smigħ

Il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna jwasslu fehmiethom u jipprovdu l-Kummissjoni b'informazzjoni rilevanti flimkien ma' evidenza ta' sostenn. Dan it-tagħrif flimkien mal-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit f'punt 5(a).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba għanda ssir fil-limitu ta' żmien stabbilit f'punt 5(b).

5.   Il-limiti ta’ żmien

(a)   Biex il-partijiet jippreżentaw ruħhom u jressqu t-tagħrif

Il-partijiet interessati kollha, jekk iridu li l-ilmenti tagħhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jiddikjaraw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom u jressqu kwalunkwe tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Qed tinġibed l-attenzjoni li l-eżerċizzju ta' ħafna mid-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi minn jekk il-parti tippreżentax lilha nnifisha fil-perjodu msemmi qabel.

(b)   Is-seduti tas-smigħ

Il-partijiet interessati kollha jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

6.   Il-preżentazzjonijiet bil-miktub u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux f'format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan l-avviż, u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti” (4) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 04/92

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

7.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fil-limitu ta' żmien previst, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, kemm pożittivi u kemm negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, dan it-tagħrif għandu jitwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (5).

10.   Uffiċjal tas-Seduti ta' Smigħ

Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-DĠ għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni taż-żmien preskritt u t-trattament tas-sottomissjoni tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal għas-Smigħ tal-websajt tad-DĠ għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 183, 11.7.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 1, 4.1.2005, p. 15.

(4)  Dan ifisser li d-dokument huwa għal użu intern biss. Huwa protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping).

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ATTI OĦRAJN

Il-Kunsill

5.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/6


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi previsti fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/795/PESK (Anness II) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 (Anness V)

2010/C 299/04

KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

L-informazzjoni li ġejja tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi li jidhru fl-Anness II għall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/795/PESK u fl-Anness V għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007.

F’konformità mal-Artikolu 7(2) tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/795/PESK u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007, il-listi tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi nominati skont dik il-Pożizzjoni Komuni u dak ir-Regolament għandhom jiġu riveduti f'intervalli regolari u tal-anqas kull 12-il xahar.

Għal dan il-għan, il-persuni, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati jistgħu jippreżentaw talba lill-Kunsill, flimkien ma' dokumentazzjoni ta' appoġġ, li d-deċiżjoni biex jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid.

Kwalunkwe tali talba għandha tintbagħat sas-26 ta' Novembru 2010, fl-indirizz li ġej:

Council of the European Union

General Secretariat

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275(2) u l-Artikolu 263(4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


Il-Kummissjoni Ewropea

5.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/7


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 299/05

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“KOŁOCZ ŚLĄSKI”/“KOŁACZ ŚLĄSKI”

Nru tal-KE: PL-PGI-0005-0728-20.11.2008

IĠP ( X ) DOP ( )

1.   Isem:

“Kołocz śląski”/“kołacz śląski”

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

Il-Polonja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 2.4.

Ħobż, għaġina, kejkijiet, oġġetti tal-ħelu, gallettini u oġġetti oħra tal-furnara

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1):

Il-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” għandu forma rettangolari u hu madwar 3,5 cm (± 0,5 cm) għoli. Id-daqs tal-“kołocz śląski” jew tal-“kołacz śląski” hu ta' 40 × 60 cm (± 5 cm) u jiżen bejn wieħed u ieħor minn 5 sa 6 kg.

Il-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” isir fil-forom li ġejjin:

mingħajr mili

b'mili magħmul mill-ġobon, miż-żerriegħa tal-peprin jew mit-tuffieħ.

Is-saff ta' fuq tal-“kołocz śląski” jew tal-“kołacz śląski” jikkonsisti minn għaġina mfarrka.

Is-saff tal-kejk tal-ħmira għandu lewn abjad safrani; il-lewn tal-mili, madankollu, ivarja skont l-ingredjenti li jkunu ntużaw:

isfar fil-krim għall-mili tal-ġobon,

griż skur għall-mili taż-żerriegħa tal-peprin,

u safrani, ta' lewn l-għasel għall-mili tat-tuffieħ.

Is-saff fuq barra ta' “kołocz śląski” jew ta' “kołacz śląski” hu tipikament dehbi fil-lewn u biz-zokkor fin tal-ġelu mraxxax fuq il-wiċċ.

3.3.   Ingredjenti (għall-prodotti pproċessati biss):

Jintużaw l-ingredjenti li ġejjin biex isiru l-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski”:

 

Għall-kejk tal-ħmira:

0,70-0,90 kg dqiq tal-qamħ

0,30-0,50 l ħalib

0,10-0,30 kg zokkor

0,04-0,06 kg ħmira

0,10-0,30 kg bajd

0,10-0,30 kg butir (25 % tal-butir jista' jiġi sostwit bil-marġerina li jkollha għall-anqas kontenut ta' xaħam ta' 70 %)

melħ;

 

Għall-mili tal-ġobon:

2,4-2,6 kg ġobon moxx b'kontenut ta' xaħam imnaqqas bin-nofs

0,22-0,26 kg isfar tal-bajd tat-tiġieġ

0,40-0,60 kg zokkor

qoxra ta' lumija maħkuka għat-togħma

0,10-0,30 kg butir

 

Wieħed jista' jżid ukoll:

0,09-0,11 kg żbib

0,09-0,11 kg kastard tal-krema jew tal-vanilla;

 

Għall-mili taż-żerriegħa tal-peprin:

1,4-1,6 kg żerriegħa tal-peprin blu

0,40-0,60 kg zokkor

0,10-0,30 kg polpa tal-bajd

0,10-0,30 kg butir

0,40-0,60 l ilma

essenza tal-lewż

 

Wieħed jista' jżid ukoll:

0,09-0,11 kg żbib, jew 0,09-0,11 kg lewż, 0,09-0,11 kg ġewż jew 0,30-0,50 kg frak tal-ispanġ;

 

Għall-mili tat-tuffieħ:

2,80-3,20 kg tuffieħ moħmi

0,25-0,4 kg zokkor

 

Wieħed jista' jżid ukoll:

kannella, 0,15-0,25 kg kastard tal-vanilla jew 0,15-0,25 kg frak tal-ħobż.

Il-possibbiltà li wieħed iżid ingredjenti differenti mal-mili ma taffettwax il-karatteristiċi bażiċi tal-prodott u ma tbiddilx il-karatteristiċi speċifiċi tal-“kołocz śląski” jew tal-“kołacz śląski”.

 

Għas-saff ta' fuq magħmul minn għaġina mfarrka:

0,35-0,45 kg butir

0,70-0,90 kg dqiq tal-qamħ

0,35-0,45 kg zokkor

zokkor tal-vanilla

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

L-istadji li ġejjin fil-produzzjoni għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

il-preparazzjoni tal-għaġina għall-kejk tal-ħmira;

il-preparazzjoni tal-mili;

il-preparazzjoni tas-saff ta' fuq magħmul minn għaġina mfarrka;

it-tqassim u l-ftuħ tal-għaġina;

l-iffurmar tal-għaġina fil-landa tal-kejkijiet u t-tpoġġija tal-kołocz f'saffi;

il-ħami;

it-tiżjin.

3.6.   Regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar:

Il-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” jista' jinbiegħ mingħajr ma jiġi ppakkjat jew ittikkettat. Il-punti tal-bejgħ huma indikati permezz ta' tabelli li juru xi wieħed mill-varjanti tal-isem tal-kejk: “kołocz śląski” jew “kołacz śląski” Jekk qed jintuża xi imballaġġ, it-tikketta tal-“kołocz śląski” jew tal-“kołacz śląski” tinkludi l-isem ta' xi wieħed mill-varjanti reġistrati, il-logo tal-indikazzjoni ġeografika protetta jew it-termini “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jew l-akronomu “IĠP”.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

Il-provinċja Opolskie, kif definita mill-fruntieri amministrattivi tagħha, u reġjuni li ġejjin li jinsabu fil-Provinċja ta' Śląskie:

ędziński, Bielski, il-belt ta' Bielsko-Biała, Bieruńsko-Lędziński, il-belt ta' Bytom, il-belt ta' Chorzów, Cieszyński, Gliwicki, il-belt ta' Gliwice, il-belt ta' Jastrzębie-Zdrój, il-belt ta' Katowice, Lubliniecki, Mikołowski, il-belt ta' Mysłowice, il-belt ta' Piekary Śląskie, Pszczyński, Raciborski, il-belt ta' Ruda Śląska, Rybnicki, il-belt ta' Rybnik, il-belt ta' Siemianowice Śląskie, il-belt ta' Świętochłowice, Tarnogórski, il-belt ta' Tychy, Wodzisławski, il-belt ta' Zabrze u l-belt ta' Żory.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Il-kejk “kołocz śląski” jew “kołacz śląski” huwa parti mit-tradizzjoni li tmur lura sas-seklu 10. It-tradizzjoni tagħhom kienet li jaħmuh u jikluh bħala kejk tat-tieġ. Kien meqjus bħala kejk maġiku. Din hija r-raġuni wkoll għalfejn kien jinħema skont il-kundizzjonijiet xierqa – minn nisa li kienu mħarrġa speċifikament fis-sengħa u li ma setgħux, pereżempju, jippermettu li jkun hemm kurrent fil-kamra. L-irġiel ma kinux jitħallew jidħlu fil-kċina waqt il-ħami tal-kejkijiet.

Il-popolarità tal-“kołocz śląski” jew tal-“kołacz śląski” żdiedet matul is-sekli minħabba li dan il-kejk sar assoċjat maċ-ċelebrazzjonijiet. Kejk għali tat-tieġ, “kołocz śląski” jew “kołacz śląski” kellu jiggarantixxi li l-miżżewġin friski jkollhom il-grazzja li jkollhom l-ulied. Meta għadda ż-żmien, dan sar prodott ta' kuljum, imma r-rwol tiegħu bħala kejk tal-festa baqa' importanti ħafna. Fis-Silesja, it-tradizzjoni kienet stmata immens minħabba li l-mistednin f'ikliet tat-tieġ kienu jirċievu “kontribuzzjoni”, magħrufa bħala “kunsinna” jew “pakkett” fil-parti tat-tramuntana taż-żona ta' Opole jew bħala “rigal żgħir” jew “rigal” fin-nofsinhar tas-Silesja, tmur lura għas-seklu 18. Matul iż-żmien, id-drawwa li jitqassam il-“kolocz” saret popolari fis-Silesja. Id-drawwa hi li l-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” jitqassam lill-mistednin tat-tieġ tlieta jew erbat ijiem qabel iċ-ċerimonja.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-karatteristiċi speċifiċi li jiddistingwu l-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” żviluppaw matul ħafna snin li fihom inżammet it-tradizzjoni tal-ħami:

erba' varjetajiet (mingħajr mili jew bil-mili tat-tuffieħ, taż-żerriegħa tal-peprin jew tal-ġobon),

il-forma rettangolari tiegħu,

is-saff ta' fuq magħmul minn għaġina mfarrka;

Il-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” jiġi f'erba' varjetajiet, stabbiliti matul is-snin li fihom kienet inżammet it-tradizzjoni tal-ħami: mingħajr mili, jew b'mili magħmul mill-ġobon, miż-żerriegħa tal-peprin jew mit-tuffieħ.

Karatteristika oħra speċifka li tiddistingwi l-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” minn prodotti simili oħra hija l-forma rettangolari — f'reġjuni oħra tal-Polonja, il-kołacz huwa tond. Bil-Pollakk, l-isem kołocz/kołacz stess jirreferi għal kejk tal-festa u ġej mill-kelma koło (li tfisser “rota”), li tiddeskrivi l-forma tiegħu.

Iis-saff ta' fuq magħmul minn għaġina mfarrka tal-“kołocz śląski” jew tal-“kołacz śląski” huwa kkaratterizzat minn riħa ta' butir, minħabba l-kwantità kbira ta' butir li jintefa' fih, u għandha konsistenza iktar densa u hija iktar ħarxa minn kisjiet oħra użati f'partijiet oħra tal-pajjiż.

Il-karatteristiċi speċifiċi tal-“kołocz śląski” jew tal-“kołacz śląski” mhumiex imsejsin purament fuq tradizzjoni antika jew proprjetajiet sensorjali imma wkoll fuq il-valur simboliku tiegħu bħala kejk tal-festa, kif għadu meqjus fis-Silesja.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Ir-rabta bejn il-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” u ż-żona hija msejsa fuq il-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott deskritt fil-punt 5.2 u fuq ir-reputazzjoni deskritta hawn taħt.

L-abitanti tas-Silesja, reġjun li jinsab mal-fruntiera, huma b'mod partikolari marbutin mat-tradizzjonijiet tagħhom u japprezzaw il-wirt kulturali tagħhom. Hemm tradizzjoni twila fis-Silesja tal-“kołocz śląski” jew tal-“kołacz śląski” bħala kejk tal-festa, li jittiekel fit-tiġijiet, kif tixhed, inter alia, il-leġġenda li fi żminijiet bikrija kien hemm karattri qsajra li nsibu fil-ħrejjef li kienu jgħixu fil-wied ta' Nysa u dawn għallmu lil tifla ċkejkna intelliġenti kif tagħmel il-kołacz, u imbagħad hi għaddiet din il-ħila lil nies oħra li kienu jgħixu fis-Silesja.

Ir-reputazzjoni tal-“kołocz śląski” jew tal-“kołacz śląski” ilha stabbilita għallanqas 100 sena. Riċetta ‘tal-“kołocz śląski” tajjeb bis-saff ta' fuq magħmul minn għaġina mfarrka, huwa l-kejk favorit tal-Imperatur’ tinsab fil-ktieb tar-riċetti Illustriertes Kochbuch, li ġie ppubblikat fi Frankfurt am Main fl-1913. Ingħatat riċetta tal-“kołocz śląski” bis-saff ta' fuq magħmul minn għaġina mfarrka fil-ktieb Grundrezepte als Schlüssel zur Kochkunst tal-1931. The Deutsches Lesebuch für Volksschulen, 3. und 4. Schuljahr, li ġie ppubblikat fi Breslau fl-1937, li fih poeżija li ġġib l-isem “Streuselkuchen” (kołocz z posypką bil-Pollakk); tradotta kif ġej: “Kołocz biż-żerriegħa tal-peprin, bil-ġobon jew bit-tuffieħ/Kołocz śląski bis-saff ta' fuq magħmul minn għaġina mfarrka/Mhemm xejn tajjeb daqsu / fid-dinja kollha/(…)”. Riferenzi għal “kołocz śląski” jew “kołacz śląski” bħala wieħed mill-iktar elementi importanti tal-kultura Silesjana jinsabu wkoll f'sorsi kontemporanji bħal Kuchnia śląska — jodło, historia, kultura, gwara, ippubblikat fl-2003, jew fil-Polskie kuchnie regionalne tal-2007.

Xhieda tar-reputazzjoni li għandu l-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” huma l-ħafna premijiet u titli li ngħata. Tradycyjny Produkt Opolszczyzny 2007 (Prodott Tradizzjonali taż-żona Opole 2007), Opolska Marka 2007 u titlu speċjali għall-promozzjoni tal-prodotti tradizzjonali miż-żona Opole fl-2007. Fl-2006, il-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” wasal sal-finali tal-kompetizzjoni nazzjonali ta' Nasze Kulinarne Dziedzictwo (il-Wirt Kulinari Tagħna), u fl-2008 rebaħ it-tielet premju fl-istess kompetizzjoni.

Il-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” qiegħed isir dejjem iktar magħruf barra r-reġjun u barra mill-Polonja, tant li r-reputazzjoni li għandu fiż-żona Opole u n-naħa ta' fuq tas-Silesja hi li ħadd ma jimmaġina l-kċina Silesjana mingħajru.

Fl-imgħoddi, il-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” kien jinħema prinċipalment minn nisa tad-dar imma llum jagħmluh il-furnara. Jagħmel parti essenzjali mill-festi u l-avvenimenti reġjonali. Saħansitra f'lokalitajiet relattivament żgħar, f'dan it-tip ta' avvenimenti, jiġi kkunsmat ħafna “kołocz śląski” jew “kołacz śląski”.

Isiru wkoll avvenimenti li jiċċelebraw il-“kołocz śląski” jew il-“kołacz śląski” f'diversi partijiet taż-żona ġeografika. Ħu, pereżempju, l-ikbar avveniment li qatt kien hemm tal-kolacz, li ġibed folol ta' bejn għaxra u għoxrin elf, biex jippruvaw jiksru r-rekord dinji tal-Guinness f'Opole f'Awwissu 2008; il-kolacz li nħema għall-okkażjoni kien twil 136.6 metri u jiżen madwar 1 500 kg. Ir-rappreżentanti tal-konsorzji jieħdu sehem f'wirjiet u fieri, l-ikbar fosthom huma l-Polagra li ssir fi Poznań, il-Ġimgħa Ambjentali li ssir f'Berlin u l-Agribex fi Brussell, kif ukoll wirjiet u fieri lokali.

Il-prodott għandu wkoll preżenza fuq il-midja, eżempju fuq programm tat-TVP1’s Dzień dobry w sobotę u f'artikli tal-gazzetti bħal “Śląski kołocz – opolski produkt” (Nowa Trybuna Opolska,) 5.11.2007, “Wybierz współczesną ikonę Śląska”(Gazeta Wyborcza, ), 16.2.2007 u “Kołocz jest śląski?”(Gazeta Wyborcza, 3.8.2007).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.minrol.gov.pl/index.php?/pol/Jakosc-zywnosci/Produkty-regionalne-i-tradycyjne/Wnioski-przeslane-do-UE-od-kwietnia-2006-roku


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.