ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.253.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 253

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
21 ta' Settembru 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 253/01

Rata tal-kambju tal-euro

1

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 253/02

Avviż ta’ Tnedija ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2

2010/C 253/03

Proposta ta’ Għeluq tal-Ilment CHAP 2010/19

5

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 253/04

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

6

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

21.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 253/1


Rata tal-kambju tal-euro (1)

L-20 ta’ Settembru 2010

2010/C 253/01

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,3074

JPY

Yen Ġappuniż

112,07

DKK

Krona Daniża

7,4474

GBP

Lira Sterlina

0,83830

SEK

Krona Żvediża

9,1780

CHF

Frank Żvizzeru

1,3160

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,9540

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

24,675

EEK

Krona Estona

15,6466

HUF

Forint Ungeriż

281,25

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7091

PLN

Zloty Pollakk

3,9483

RON

Leu Rumen

4,2640

TRY

Lira Turka

1,9562

AUD

Dollaru Awstraljan

1,3826

CAD

Dollaru Kanadiż

1,3487

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

10,1527

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7937

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,7434

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 518,87

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

9,3300

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,7783

HRK

Kuna Kroata

7,2843

IDR

Rupiah Indoneżjan

11 737,59

MYR

Ringgit Malażjan

4,0569

PHP

Peso Filippin

57,576

RUB

Rouble Russu

40,5500

THB

Baht Tajlandiż

40,203

BRL

Real Brażiljan

2,2406

MXN

Peso Messikan

16,7020

INR

Rupi Indjan

59,7650


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


V Avviżi

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

21.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 253/2


Avviż ta’ Tnedija ta' reviżjoni interim parzjali tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2010/C 253/02

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għar-reviżjoni

It-talba tressqet minn Greenwood Houseware (Zuhai) Ltd. (“l-applikant”), esportatur mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

L-ambitu tat-talba huwa limitat għal investigazzjoni tad-dumping safejn għandu x'jaqsam l-applikant.

2.   Il-prodott

Il-prodott li qed jiġi rivedut huwa xkejjer u basktijiet tal-plastik li fihom mill-inqas 20 % tal-piż ta' polietilina u f’kisi li l-ħxuna tiegħu ma taqbiżx il-100 mikrometru (μm) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”) li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM ex 3923 21 00 u ex 3923 29 10 u ex 3923 29 90.

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri li bħalissa qegħdin fis-seħħ huma d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 (2), kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 189/2009 (3) dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

4.   Raġunijiet għar-reviżjoni

It-talba skont l-Artikolu 11(3) hija bbażata fuq evidenza prima facie, ppreżentata mill-applikant, li turi li, safejn għandu x'jaqsam l-applikant, iċ-ċirkustanzi li fuqhom ġew stabbiliti l-miżuri eżistenti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta' natura dejjiema.

L-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li, safejn għandu x'jaqsam l-applikant, l-impożizzjoni kontinwa tal-miżura fil-livell attwali tagħha ma għadhiex meħtieġa biex tibbilanċja d-dumping. L-applikant stqarr li dan jissodisfa l-kundizzjonijiet għat-trattament tal-ekonomija tas-suq (MET), b'mod partikolari billi huwa kien tejjeb il-kontabilità tiegħu. Barra minn hekk, l-applikant ipprovda evidenza prima facie li turi li minħabba bidliet sinifikanti kemm fl-istruttura korporattiva kif ukoll fil-proċess ta' produzzjoni tal-kumpanija hija issa tissodisfa l-kriterji għal trattament inidividwali stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. It-tqabbil tal-prezzijiet ta' esportazzjoni tal-applikant lejn l-Unjoni b'valur normali kostrutt fil-Malażja jindika li l-marġni tad-dumping jidher li huwa sostanzjalment aktar baxx mil-livell attwali tal-miżura. Il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq għandhom għalhekk jiġu investigati matul ir-reviżjoni.

Għalhekk, l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri fil-livell eżistenti, li kienet imsejsa fuq il-livell ta' dumping stabbilit qabel, tidher li ma għadhiex meħtieġa biex tibbilanċja d-dumping.

5.   Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping

Wara li ddeterminat, b'konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta' reviżjoni interim parzjali, il-Kummissjoni qiegħda b'dan tniedi reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni għandha tiddetermina jekk l-applikant issa huwiex qed jopera skont il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq kif imfisser fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku jew jekk dan jissodisfax il-kundizzjonijiet għat-trattament individwali kif imfisser fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u għandha wkoll tevalwa l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni, it-tneħħija jew l-emenda tal-miżuri eżistenti fir-rigward tal-applikant.

Jekk jinstab li l-miżuri għandhom jitneħħew jew jiġu emendati għall-applikant, jista' jkun meħtieġ li tiġi emendata r-rata tad-dazju attwalment applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat minn kumpaniji oħra fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li ma jissemmewx speċifikament fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1425/2006 kif emendat.

(a)   Kwestjonarji

Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-applikant u lill-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur ikkonċernat. Dan it-tagħrif flimkien mal-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-punt 6(a)(i).

(b)   Ġbir ta' tagħrif u seduti ta’ smigħ

Il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom, jibagħtu tagħrif barra mit-tweġibiet għall-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Dan it-tagħrif flimkien mal-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt 6(a)(ii).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, kemm-il darba dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu. Din it-talba għandha ssir fil-limitu taż-żmien stabbilit fil-punt 6(a)(ii).

(c)   Trattament ta' ekonomija tas-suq/trattament individwali

Fl-eventwalità li l-applikant jipprovdi evidenza biżżejjed li turi li huwa jopera taħt kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq, jiġifieri li jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, għandha titressaq talba ssostanzjata kif xieraq fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fil-punt 6(b) ta' dan l-avviż. Il-Kummissjoni se tibgħat formola tat-talba lill-kumpanija kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Din il-formula għat-talbiet tista’ tintuża mill-applikant biex jitlob trattament individwali, jiġifieri li dan jissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

(d)   L-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

F’każ li l-applikant ma jingħatax trattament ta' ekonomija tas-suq, iżda jissodisfa r-rekwiżiti li jkollu dazju individwali stabbilit skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, għandu jintuża pajjiż adattat b'ekonomija tas-suq għall-fini li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni tipprevedi li terġa' tuża lill-Malażja għal dan l-għan kif sar fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta' miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna biex jikkummentaw dwar kemm hija xierqa din l-għażla fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fil-punt 6(c) ta' dan l-avviż.

Barra minn hekk, fl-eventwalità li l-applikant jingħata trattament ta' ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni tista', jekk huwa meħtieġ, tuża sejbiet li jikkonċernaw il-valur normali stabbilit f'pajjiż b'ekonomija tas-suq xierqa, eż. bl-għan li tinbidel kull spiża jew element ta' prezz li mhuwiex affidabbli fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huwa meħtieġ biex jiġi stabbilit il-valur normali, jekk mhijiex disponibbli dejta affidabbli meħtieġa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-Kummissjoni tikkunsidra tuża lill-Malażja wkoll għal dan l-iskop.

6.   Limiti ta’ żmien

(a)   Limiti ġenerali ta’ żmien

(i)   Biex il-partijiet jippreżentaw irwieħhom, u jressqu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull tagħrif ieħor

Il-partijiet kollha interessati, jekk għandhom jitqiesu r-rappreżentazzjonijiet tagħhom matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw irwieħhom billi jikkuntattjaw lilll-Kummissjoni, jippreżentaw fehmiethom u jressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju jew kull tagħrif ieħor fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Ta' min isemmi li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira mid-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi milli l-parti tippreżenta ruħha matul il-perjodu msemmi hawn fuq.

(ii)   Seduti ta' smigħ

Il-partijiet kollha interessati jistgħu wkoll japplikaw biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta’ żmien ta’ 37 jum.

(b)   Żmien speċifiku għat-tressiq ta' talbiet għal trattament ta’ ekonomija tas-suq u/jew trattament individwali

Il-klejm tal-applikant ssostanzjata kif xieraq għal trattament ta' ekonomija tas-suq, kif imsemmi fil-punt 5(c) ta' dan l-avviż, għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(c)   Limitu ta’ żmien speċifiku għall-għażla tal-pajjiż b’ekonomija tas-suq

Il-partijiet fl-investigazzjoni jistgħu juru x-xewqa li jikkummentaw dwar jekk il-Malażja hijiex adattata li, kif imsemmi f'punt 5(d), titqies bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq bl-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

7.   Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet tal-kwestjonarju u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet u r-rikjesti kollha magħmula mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub (mhux b’format elettroniku, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor) u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u l-faks tal-parti interessata. Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluż it-tagħrif mitlub f’dan l-avviż, it-tweġibiet tal-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati bħala “Ristretti” (4) u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, għandhom ikunu akkumpanjati b’verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 4/92

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

8.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għat-tagħrif meħtieġ, jew tonqos milli tipprovdi t-tagħrif fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew inkella tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jitwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

9.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan l-avviż mhuwiex suġġett għad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 11(7) tar-Regolament bażiku.

10.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

Ta’ min jinnota li kwalunkwe dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (5).

11.   L-uffiċjal għas-seduti ta' smigħ

Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-DĠ Kummerċ. Dan jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni taż-żmien preskritt u t-trattament tas-sottomissjoni tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal għas-Seduti ta' Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 4.

(3)  ĠU L 67, 12.3.2009, p. 5.

(4)  Dan ifisser li d-dokument ikun għall-użu intern biss. Ikun protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43). Huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Il-Ftehim Anti-dumping).

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


21.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 253/5


Proposta ta’ Għeluq tal-Ilment CHAP 2010/19

2010/C 253/03

Is-servizzi tal-Kummissjoni lestew l-inkjesta tagħhom dwar l-ilment CHAP 2010/19 dwar ir-rimunerazzjoni tal-persuni li m’għandhomx il-kwalifika bażika fil-mediċina iżda li għandhom aċċess, fl-Italja, għal taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni f’sitt oqsma speċifiċi: il-biokimika klinika, il-mikrobiologija u l-viroloġija, il-patoloġija klinika, il-ġenetika medika, ix-xjenza alimentari u l-farmakoloġija medika.

Wara eżami tal-ilment u d-dokumentazzjoni trasmessa mill-awturi tal-ilmenti, fid-dawl tal-liġi komunitarja applikabbli fil-qasam, is-servizzi tal-Kummissjoni waslu għall-konklużjoni li f’dan l-istadju, ma jista’ jinstab l-ebda ksur tad-Direttiva 2005/36/KE f’dan il-każ partikolari.

Billi d-Direttiva 93/16/KEE tapplika biss għat-tobba, l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li t-tobba speċjalisti li jkunu f’taħriġ jiksbu rimunerazzjoni xierqa japplika biss għall-persuni li jkunu kisbu t-taħriġ mediku bażiku. Dan l-obbligu ġej speċifikament mid-Direttiva 82/76/KEE li kienet emendat id-Direttiva 75/363/KEE, li t-tnejn ġew ikkodifikati permezz tad-Direttiva 93/16/KEE, li ġiet revokata mid-Direttiva 2005/36/KE. Din tal-aħħar tistipula fl-Artikolu 25(3) din it-tip ta’ rimunerazzjoni xierqa għat-tobba li jkunu kisbu t-taħriġ mediku bażiku.

L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 82/76/KEE kienet l-1 ta’ Jannar 1983. B’sentenza tas-7 ta’ Lulju 1987, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-KE għarfet li l-Italja kienet naqset mill-obbligi tagħha billi ttrasponiet biss id-Direttiva 82/76/KEE fiż-żmien stipulat. Permezz tad-digriet leġislattiv Nru 257/91 adottat fl-1991 (dħul fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 1991), l-Italja ttrasponiet id-Diretttiva.

Il-fatt li l-Italja tagħti aċċess għal persuni li jkunu kisbu ċertu tip ta’ taħriġ xjentifiku minbarra t-taħriġ mediku bażiku għal ċertu taħriġ speċjalizzat, ma jbiddel bl-ebda mod l-obbligu li jirriżulta lill-Istati Membri li jiggarantixxu rimunerazzjoni xierqa lit-tobba kollha li jsegwu taħriġ mediku speċjalizzat.

Minħabba dan u ħlief jekk fl-erba’ ġimgħat ta’ wara din il-pubblikazzjoni, jiġu ppreżentati elementi ġodda li juru ksur, is-servizzi tal-Kummissjoni jagħlqu l-każ irreġistrat.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

21.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 253/6


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2010/C 253/04

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). L-istqarrijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT WAĦDIENI

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“KARP ZATORSKI”

Nru tal-KE: PL-PDO-005-0401-26.04.2007

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Karp Zatorski”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz:

Il-Polonja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew l-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.7 Kategorija:

Ħut, molluski u krostaċji friski, flimkien ma' prodotti derivati minnhom

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt nru 1:

Il-“Karp Zatorski” (Cyprinus carpio) huwa organiżmu li jinħoloq wara li jkun sar tgħammir bejn ir-razza pura tal-“karp zatorski” u r-razez puri li ġejjin: Ungeriżi, Jugoslavi, Iżraeljani u minn Golysz (Dor-70). Il-“karp zatorski” huwa ħuta ħajja li tinbiegħ friska u mingħajr ma tiġi pproċessata. Il-“karp zatorski” jikber esklussivament fl-għadajjar tal-karpjuni li jinsabu fl-art, skont il-metodu ta' trobbija ta' Zator, imsejjes fuq ċiklu ta' trobbija fuq sentejn.

Dehra:

—   piż tal-ħut li jista' jiġi kkummerċjalizzat: 1 100-1 800 g,

—   lewn: lewn iż-żebbuġa jew blu jagħti fil-lewn taż-żebbuġa,

—   qxur: qxur li jirriflettu mqegħdin kontra xulxin u fuq xulxin, f'qagħda laterali jew fuq id-dorsali.

Kompożizzjoni kimika tal-laħam tal-“karp zatorski”:

—   massa niexfa: 22,50 %

—   irmied mhux raffinat: 1,23 %

—   total ta' proteini: 19,25 %

—   xaħam mhux raffinat: 1,55 %

3.3.   Materja prima (għall-prodotti proċessati biss):

3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss):

Il-ħut jiekol fuq kollox l-ikel ta' oriġini naturali li jsib fl-għadajjar. Minħabba r-rata għolja ta' produttività tal-għadajjar tal-karpjuni fiż-żona in/kwistjoni, il-ħut għandu dieta msejsa fuq ikel ta' oriġini naturali li jsib fl-għadajjar. Fil-fażijiet kollha tal-produzzjoni, dan hu ssupplimentat biss minn għalf magħmul minn ċereali naturali (qamħ, xgħir, triticale, qamħirrun), għall-anqas 70 % minnu jiġi miż-żona msemmija fil-punt nru 4 u li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-ħamrija u tal-klima, huma ta' kwalità għolja u jilħqu normi sanitarji għoljin. Meta jinxtraw iċ-ċereali, wieħed għandu jqis il-kwalità u l-kontenut ta' umdità tagħhom. Dan ma jistax jaqbeż il-11 %. L-għalf mixtri barra miż-żona tal-produzzjoni tal-“karp zatorski” jintuża biss jekk il-provvista tal-għalf fiż-żona msemmija fil-punt nru 4 ma jkunx biżżejjed. L-ebda ikel ta' oriġini artifiċjali jew supplimenti ta' għalf ma jintużaw fil-produzzjoni tal-“karp zatorski”.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika identifikata:

Iċ-ċiklu kollu tal-produzzjoni tal-“karp zatorski” għandu jseħħ fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt nru 4. Il-ħut li jiġi minn tgħammir bejn ir-razez puri tal-“karp zatorski” u dawk li ġejjin mir-razez puri Ungeriżi, Jugoslavi, Iżraeljani u minn Golysz (Dor-70) jikber b'rata iktar mgħaġġla, hu iktar reżistenti għall-mard, għandu rendiment aħjar ta' laħam u hu ferm adattat għall-kundizzjonijiet naturali fiż-żona msemmija fil-punt nru 4. Iċ-ċiklu sħiħ tal-produzzjoni hu msejjes fuq il-metodu ta' trobbija ta' Zator, li permezz tiegħu l-perjodu ta' produzzjoni jiqsar għal sentejn. Iċ-ċiklu tal-produzzjoni “karp zatorski” jkopri l-ħames stadji li ġejjin:

1.   Bidien

Il-ħut li jkollu l-aqwa karatteristiċi jintgħażel għall-bidien. Il-bidien isir f'vaski fl-art li fihom isir bidien naturali. Jista' jsir ukoll bidien artifiċjali f'mafqas. Il-mafqsiet li jsiru b’dan il-mod jitqiegħdu f'għadajjar tal-akkwakultura, mingħajr ma jintużaw għadajjar tal-akkwakultura għall-ħut żgħir tas-sajf.

2.   Trobbija ta' ħut żgħir

Il-mafqsiet li jitneħħew mill-vaski li fihom isir il-bidien jiġu trasferiti għal għadajjar li fihom jittrabba l-ħut żgħir fis-sajf. L-għadajjar għandhom jinżammu fi stat għoli ta' kultivazzjoni. Id-densità tal-istokk hija ta' 200 000 mafqas kull ettaru. Il-ħut żgħir tas-sajf jitneħħa meta dan ikun jiżen bejn 2 u 4 grammi.

3.   Trobbija u karatteristiċi xitwin tal-ħut żgħir tal-ħarifa

F’Lulju, l-għadajjar tal-akkwakultura jkunu stokkjati bil-ħut żgħir tas-sajf jew, f’xi każijiet, bil-mafqsiet li jittieħdu mill-vaski li fihom isir il-bidien. Fil-vaski fejn jittrabba, il-ħut jingħata għalf magħmul miċ-ċereali kif imsemmi fil-punt nru 3.4. L-għalf inizjalment jintaħan biex minnu jagħmlu dqiq fin u mbagħad, hekk kif il-ħut jikber fid-daqs, jingħalef ikel li jkun iktar tqil fil-konsistenza tiegħu. Il-ħut jingħalef tliet darbiet fil-ġimgħa sa tmiem Settembru. Fi tmiem l-ewwel staġun, il-ħut għandu jiżen bejn 60 u 150 gramma kull unità. Il-ħut żgħir tal-ħarifa jitħalla fl-għadajjar li jittrabba fihom matul ix-xitwa. Hu essenzjali li l-għadajjar ikunu taħt superviżjoni kuljum.

4.   Stokkjar tal-għadajjar kummerċjali

Fir-rebbiegħa, il-karpjun jitneħħa mill-għadajjar li jittrabba fihom u jitqiegħed f'għadajjar kummerċjali. Il-ħut jingħalef skont skeda ta' għalf li tkun iddeterminata minn qabel bejn Mejju u Settembru. L-iktar fażi intensiva tal-għalf tkun f'Ġunju, Lulju u Awwissu. Il-ħut jibda jitneħħa f'Ottubru. Il-ħut jitneħħa u jiġi trasferit lejn tankijiet speċjali tal-ġarr. Wara li jiġi trasferit, il-ħut jiġi ssortjat skont id-daqs, imbagħad jintiżen u jinġarr lejn faċilitajiet tal-ħżin apposta għall-ħut. Il-faċilitajiet tal-ħżin tal-ħut huma għadajjar b'fond ta' bejn 1,7 u 2 metri, mingħajr veġetazzjoni imma li għandhom fluss tajjeb ta' ilma u ossiġinati. Dan it-trattament ifisser li l-laħam tal-“karp zatorski” ma għandux riħa ta' tajn.

5.   Tneħħija ta' karpjun mill-faċilitajiet tal-ħżin tal-ħut

F’Diċembru (matul il-perjodu ta’ qabel il-Milied), il-ħut jitneħħa minn għadajjar tal-ħżin, u l-“karp zatorski” jinġarr lejn punti tal-bejgħ, fejn il-ħut jitqiegħed f'tankijiet speċjali ossiġinati.

3.6.   Regoli speċifiċi li japplikaw għat-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:

L-isem “karp zatorski” hu użat għall-finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni ta' ħut frisk; għalhekk, fil-każ ta' twassil bl-ingrossa tal-ħut fit-tankijiet apposta għall-ġarr li jużaw il-vetturi, dan l-isem jidher fuq il-fatturi, l-irċevuti tat-twassil u d-dokumenti tal-ġarr, u jista' jidher ukoll fuq it-tank jew fuq il-vettura. Fl-istabbilimenti tal-bejgħ bl-imnut, il-ħut jitqiegħed f'tankijiet ossiġinati speċjalizzati. It-tankijiet ikollhom kitbiet viżibbilment ċari li jaqraw “karp zatorski”.

4.   Definizzjoni konċiża taż-żona ġeografika:

Il-“karp zatorski” jiġi prodott fi tliet muniċipalitajiet li jinsabu fin-naħa tal-Punent tal-Provinċja ta' Malopolskie. Dawn huma: Zator u Przeciszów, fid-Distrett ta' Oświęcimski u Spytkowice fid-Distrett ta' Wadowicki. Iż-żona tkopri 134 km2, imma l-produzzjoni hija kkonċentrata l-iktar fil-muniċipalità ta' Zator.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Fattur naturali

Ilmijiet tal-wiċċ

Fattur karatteristiku taż-żona tal-produzzjoni tal-“karp zatorski” huwa n-netwerk dens tal-kanali tal-ilma: netwerk ta' xmajjar issupplimentat minn netwerk dens ta' gandotti tad-drenaġġ u kanali li jissupplixxu l-ilma lejn għadajjar individwali. L-għadajjar tal-ħut jokkupaw bejn wieħed u ieħor 22 % taż-żona tal-muniċipalità ta' Zator. Għandhom rata għoja ta' produttività naturali, jiġifieri tkabbir mgħaġġel tal-bijomassa. L-għadajjar tal-karpjuni f'din iż-żona jipprovdu provvista abbundanti ta' ikel naturali għall-ħut: żooplankton, fitoplankton u bentos. Minħabba s-sistemi numerużi ta' lagi, għadajjar u vaski fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt nru 4, din iż-żona hija magħrufa bħala ‘Dolina Karpia’ (Wied ta' Karpjuni).

Ilmijiet ta' taħt l-art

Iż-żona tal-produzzjoni tal-“karp zatorski” tinsab fir-reġjun idroġeoloġiku tal-Prekarpatjan. L-ilma tal-pjan hu bejn 5 u 10 metri taħt il-wiċċ. Il-ħxuna medja tal-akwifer hi stmata li hi 4,8 metri, b'koeffiċjent ta' infiltrazzjoni ta' 244/24 siegħa. L-ilmijiet huma ta' kwalità tajba (Klassi Ib).

Klima

Iż-żona tal-produzzjoni tal-“karp zatorski” tinsab fiż-żona klimatika tal-Ewropa Ċentrali, fir-reġjun klimatiku Karpatjan, fil-parti iktar baxxa tal-livell klimatiku moderatament sħun. Il-klima fiż-żona hija soġġetta għall-influwenzi kemm kontinentali kif ukoll marittimi. Il-klima hija influwenzata wkoll minħabba l-fatt li din iż-żona tinsab viċin il-muntanji. Il-perjodu ta' veġetazzjoni (fejn il-medja tat-temperatura ta' kuljum tkun iktar minn 5 °C) itul 224 jum, u l-perjodu ta' veġetazzjoni intensa (fejn il-medja tat-temperatura ta' kuljum tkun iktar minn 10 °C) idum mill-aħħar ta' April sa nofs Ottubru; il-perjodu li fih ma jkunx hemm ġlata jtul 172 jum.

Ħamrija

Iż-żona tal-produzzjoni tal-“karp zatorski” hija kkaratterizzata minn kopertura ta' ħamrija differenzjata ħafna: ħamriji kannella u psewdo-podsols, tajn fluvjali, ħamriji griżi, suwed u magħmula mill-pit u mimlija għadajjar.

Żoni rurali protetti

Iż-żona li fiha jittrabba l-“karp zatorski” hija distinta b’mod partikolari minħabba l-arja nadifa li għandha u l-abbundanza ta' flora u fawna rikka u rari. Minħabba din l-abbundanza kbira ta' ambjent naturali, dawn iż-żoni ntgħażlu mis-Soċjetà Pollakka għall-Ħarsien tal-Għasafar (OTOP), abbażi tal-kriterji Birdlife International, sabiex jagħmlu parti min-netwerk Natura 2000 – Dolina Dolnej Skawy (PL 125) – bħala żona speċjali ta' protezzjoni. Dan in-netwerk għandu rwol ewlieni biex jissalvagwardja r-riżorsi naturali tal-Unjoni Ewropea.

Fattur uman

Is-sajd u t-trobbija tal-karpjuni fiz-Zator imorru lura għall-aħħar tas-seklu 11 u l-bidu tas-seklu 12 u s-settur tas-sajd u – iktar tard – is-settur tat-trobbija tal-ħut hawn komplew jevolvu minn dakinhar 'l hawn. Huwa l-eqdem ċentru ta' dan it-tip fir-reġjun. L-iżvilupp fit-trobbija tal-ħut kienet appoġġata minħabba n-netwerk dens ta' mogħdijiet tal-ilma (ix-xmajjar Sola u Skawa u n-naħa ta' fuq tal-Vistula), il-kundizzjonijiet tajbin tal-ħamrija għat-tkabbir tal-erba’ tipi ewlenin ta’ ċereali għall-għalf tal-karpjuni, klima moderata u l-possibbiltà li jinġarr il-ħut fuq ix-xmara għal Krakovja u ż-żoni tal-madwar. L-għadajjar kienu nbnew bħal kullani ta’ żibeġ mad-dawra tax-xmajjar. Dan iffaċilita l-fluss gravitazzjonali ’l ġewwa u l-fluss ’il barra tal-ilma, inkluż it-tnixxif tal-meded tal-għadajjar. It-trobbija tal-ħut żviluppat b’mod konsiderevoli wara t-tmiem tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Bdew jinbnew mill-ġdid l-għadajjar li kienu nqerdu matul il-gwerra, ġew introdotti teknoloġiji ġodda, u l-kummerċ tal-ħut minn negozjanti żgħar kien regolat, bil-ftuħ tal-ewwel ħanut tal-ħut fi Krakovja. Fl-1946, l-Istat f’Zator ġie f’idejn l-Università ta' Jagiellonian u twaqqaf l-Istitut Żootekniku fejn kien qed isir xogħol biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-karpjuni.

Il-linja indiġena tal-karpjun, miżmuma bħala linja konġenita sa mill-1955 u li qatt ma ġiet ikkummerċjalizzata, kienet mgħammra fiż-żona ġeografika msemmija fil-punt nru 4. Abbażi l-osservazzjonijiet tagħhom, ir-riċerka u l-esperjenza, dawk in-nies tal-lokal li jrabbu l-ħut u x-xjentisti għammru r-razza pura tal-“karp zatorski” u razez oħra tal-karpjuni li kienet addattata mill-aqwa għall-kundizzjonijiet fiż-żona. Mill-1946, il-metodu ta’ trobbija ta’ Zator ġie introdott gradwalment, imsejjes fuq sistema ta’ sentejn, li wassal għal żieda fil-piż tal-ħut minn 60 sa 150 gramma fl-ewwel sena u rata ta’ għajxien sa mhux iktar minn 86 %. Flimkien mal-provvista ta' ikel naturali bnin mill-ilmijiet tar-reġjun, dan il-metodu għamilha possibbli sabiex jiqsar iċ-ċiklu tat-trobbija tal-karpjun għal sentejn. Dan irendi l-piż tal-karpjuni għal bejn 1 100 u 1 800 gramma, u jisfrutta l-potenzjal qawwi għat-tkabbir tal-ħut fit-tieni sena taċ-ċiklu tal-produzzjoni. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol li jsir b'rabta mal-produzzjoni tal-“karp zatorski” hu bl-idejn, u l-għarfien tal-bniedem u l-esperjenza għandhom rwol importanti. Abbażi ta' bosta snin ta' esperjenza, il-bdiewa żviluppaw il-ħila li jwettqu attivitajiet varji fil-proċess tal-produzzjoni, pereżempju jagħżlu d-densità inizjali tal-istokk tal-ħut ta' 200 000 mafqas kull ettaru fl-għadajjar, li b'hekk inaqqsu r-riskju li jinxtered il-mard, jiġi limitat it-telf ta' ħut u l-użu mill-iktar effikaċi tas-sorsi naturali tal-ikel. Il-ħila li jiġu addattati t-toqol tal-konsistenza u d-doża tal-għalf magħmul miċ-ċereali jiddependi mill-piż tal-ħut hi importanti ħafna wkoll.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-fatturi karatteristiċi tal-“karp zatorski” li jagħmluh uniku huma:

id-daqs kumpatt,

fattur ta' ħxuna bejn 2,2-2,4,

jikber malajr,

rendiment ta' laħam ta' bejn 61-64 %,

fattur ta' kundizzjoni (fattur ta' Fulton) ta' bejn 3,9-5,0,

laħam li ma jinxtamx bħat-tajn, għandu riħa ta' ħut frisk u togħma delikata,

koeffiċjent ta' ikel ta' 5 fil-każ taċ-ċereali,

rata ta' għajxien ta' 86 %,

reżistenza għall-mard ogħla mill-medja.

Prodott li jkollu l-karatteristiċi li jinsabu hawn fuq hu riżultat ta' ċiklu ta' trobbija fuq sentejn.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għal DPO) jew il-kwalità, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra speċifiċi tal-prodott (għal IĠP):

Il-kwalità eċċezzjonali tal-“karp zatorski” hija marbuta sew mal-ambjent naturali taż-żona ġeografika msemmija fil-punt nru 4. Il-kwalità tal-“karp zatorski” mhix biss riżultat tal-karatteristiċi uniċi tal-ambjent naturali imma wkoll tat-tradizzjonijiet u t-tekniki tat-trobbija tal-ħut. Il-fatturi kollha flimkien imsemmijin hawn fuq jagħmluha possibbli biex jinkiseb karpjun bil-fatturi speċifiċi msemmijin fil-punt 5.2.

Il-fatturi naturali msemmijin fil-punt 5.1 ifissru li l-għadajjar tal-ħut jipproduċu biżżejjed kwantitajiet ta' ikel naturali ta' kwalità għolja. Iż-żona fejn jiġi prodott għandha wkoll ħamrija u kundizzjonijiet klimatiċi li huma tajbin biex jikbru l-erba’ tipi ewlenin ta' ċereali. Bis-saħħa ta', b’mod partikolari, in-natura produttiva għolja tal-għadajjar, il-ħut għandu dieta msejsa fuq l-ikel naturali, mingħajr ma jintuża għalf artifiċjali u supplimenti tal-għalf. Il-preżenza tal-patoġeni saret limitata minħabba rata għolja ta' produttività tal-għadajjar u n-nuqqas ta' għalf artifiċjali li fih ħafna karboidrati li jiffermenta faċilment. Dan għandu impatt fuq is-saħħa tal-“karp zatorski” u l-karatteristiċi organolettiċi eċċezzjonali tal-prodott. B’mod partikolari, dawn iwasslu għal riħa ta' ħut frisk u togħma delikata tal-ħut. Il-karatteristiċi taż-żona ġeografika msemmija hawn fuq ifissru wkoll li l-ħut li jiġi minn hemm għandu ħxuna tajba u proċess tajjeb ta' żvilupp tal-laħam, kif jidher mill-fattur għoli tal-kundizzjoni msemmi fil-punt nru 5.2. Il-produzzjoni tal-“karp zatorski” hija marbuta mill-qrib mal-post tal-oriġini tiegħu, kif ukoll il-fatt li din tkun viċin il-mogħdijiet tal-ilma naturali u l-korpi tal-ilma, inkluż ix-xmajjar u t-tributarji tagħhom, tfisser li ż-żona hija abbundanti fl-ilma li huwa essenzjali għat-trobbija tal-ħut. Il-kostruzzjoni ta' kumplessi ta' dawn l-għadajjar kbar u li jiffunzjonaw saret possibbli minħabba l-art li hemm fiż-żona. Il-ħamriji li fuqhom inbnew l-għadajjar u l-kundizzjonijiet klimatiċi (b’mod partikolari l-perjodu twil ta' veġetazzjoni), kif ukoll l-abbundanza u l-kwalità tal-provvista ta' ikel naturali, għandhom impatt dirett fuq ir-rata għolja ta' produttività naturali tal-għadajjar (jiġifieri l-ammont ta' ħut li jista' jinkiseb kull ettaru mingħajr l-għalf), li tvarja bejn 150 u 300 kg kull ettaru.

Il-kwalità u l-attributi tal-“karp zatorski” mhumiex riżultat tal-ambjent naturali biss, li hu marbut magħhom sew, imma wkoll tat-tradizzjonijiet u t-tekniki ta' trobbija fiż-żona. B'riżultat tal-osservazzjonijiet, ir-riċerka u l-esperjenza tagħhom, in-nies tal-lokal li jrabbu u x-xjentisti għażlu l-iktar karpjun li addatta għall-kundizzjonijiet fiż-żona. Tgħammret għalhekk razza pura tal-“karp zatorski”, flimkien ma' razez puri Ungeriżi, Jugoslavi, Iżraeljani u minn Golysz (Dor-70). Id-dixxendenti għandhom karatteristiċi eċċellenti tal-produzzjoni, bħal pereżempju rata għolja ta' għajxien u użu tajjeb tal-għalf, kif rifless fil-proporzjonijiet baxxi tal-konverżjoni tal-ikel. L-effett tal-eterożi jfisser li l-ħut jikber iktar malajr, ikun iktar reżistenti għall-mard, għandu rendiment għoli tal-laħam u adattat tajjeb ferm għall-kundizzjonijiet naturali lokali. L-użu tal-metodu tal-produzzjoni ta' Zator, adattat għall-kundizzjonijiet ambjentali taż-żona msemmija fil-punt nru 4 jagħmilha iktar possibbli biex jinkiseb prodott bil-karatteristiċi msemmijin fil-punt nru 5.2. Billi l-perjodu tat-trobbija tnaqqas għal sentejn sar possibbli li jiġi prodott karpjun żgħir b'togħma eċċellenti, karatteristiċi organolettiċi u laħam b'kontenut iktar baxx ta' xaħam meta mqabbel ma' ħut li jista' jiġi kkummerċjalizzat meta jkun ixjeħ minħabba ċ-ċiklu itwal tal-produzzjoni li ġeneralment jintuża. Dan minħabba li l-ħut hu żgħir u għalhekk il-“karp zatorski” għandu palat delikat li jiddistingwih minn karpjun prodott f'żoni ġeografiċi oħra. Dan jiddetermina wkoll il-kwalità tal-laħam u l-karatteristiċi organolettiċi tiegħu, li huma bil-wisq apprezzati mill-konsumaturi. Il-karattersitiċi tal-“karp zatorski” huma rikonoxxuti mill-konsumaturi, kif joħroġ mill-fatt li l-prezzijiet tiegħu huma bejn 10 u 15 % ogħla mill-prezz tal-karpjun f'żoni ġeografiċi oħra.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

http://www.minrol.gov.pl/index.php?/pol/Jakosc-zywnosci/Produkty-regionalne-i-tradycyjne/Wnioski-przeslane-do-UE-od-kwietnia-2006-roku


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.