ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.232.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 232

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
27 ta' Awwissu 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

OPINJONIJIET

 

Il-Kumitat tar-Reġjuni

 

L-84 sessjoni plenarja fl-14 u l-15 ta’ April 2010

2010/C 232/01

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Is-solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE

1

2010/C 232/02

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar It-trattament tal-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE (ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2009)

7

2010/C 232/03

Opinioni ta' Prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Il-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni

14

2010/C 232/04

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Baħar Baltiku

23

2010/C 232/05

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta’ azzjoni għall-mobbiltà urbana

29

2010/C 232/06

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2009-2010 – pajjiżi kandidati

36

2010/C 232/07

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Intejbu d-direttivi tal-EIA u s-SEA

41

2010/C 232/08

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku u komunikazzjoni dwar sħubija pubblika-privata dwar l-Internet tal-ġejjieni

44

2010/C 232/09

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar L-iżvilupp ta’ strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE

49

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

OPINJONIJIET

Il-Kumitat tar-Reġjuni

L-84 sessjoni plenarja fl-14 u l-15 ta’ April 2010

27.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/1


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Is-solidarjetà fis-saħħa: it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE”

(2010/C 232/01)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.   jilqa’ b’sodisfazzjon id-determinazzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġja u tikkomplementa l-isforzi tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea. Huwa sinifikanti l-għarfien ta’ kemm hi kbira l-isfida biex jingħelbu d-differenzi li hemm bejn l-Istati Membri u fl-Istati Membri nnifishom fir-rigward tal-inugwaljanzi fis-saħħa. Il-Kumitat jemmen li l-Komunikazzjoni twassal tajjeb il-fehma tal-Kummissjoni li l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa huma sfida għall-impenn tal-UE favur is-solidarjetà, il-koeżjoni soċjali u ekonomika, id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza fl-opportunitajiet. Huwa japprova din il-fehma. Madankollu l-Kummissjoni setgħet enfasizzat iktar l-objettiv tal-“koeżjoni territorjali” li għadu kemm introduċa t-Trattat ta’ Lisbona.

2.   jagħraf u jadotta d-definizzjoni tas-saħħa tad-WHO jiġifieri li “is-saħħa hija stat ta’ benesseri fiżiku u mentali komplet u mhux sempliċement in-nuqqas ta’ diżabilità jew mard”.

3.   ifakkar lill-Kummissjoni li t-Trattat ta’ Lisbona issa jesiġi li, taħt l-Artikolu 3, l-istituzzjonijiet jippromovu l-benesseri taċ-ċittadini Ewropej.

4.   jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħidma li wettqet id-WHO, b’mod speċifiku Sir Michael Marmot, f’dokument intitolat “Closing the Gap in a Generation – Health Equity through action on the social determinants of health (Neliminaw id-differenzi tal-ġenerazzjoni – L-ugwaljanza fis-saħħa permezz ta’ azzjoni fuq il-fatturi soċjali li jidditerminaw is-saħħa)”. Il-KtR jemmen li dan għandu jkun riżors ewlieni għall-UE hija u tindirizza l-inugwaljanzi fis-saħħa.

5.   jilqa’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-problema tal-inugwaljanzi relatati mas-saħħa hija kumplessa ħafna u l-mod ta’ kif tiżviluppa s-sitwazzjoni jiddependi minn bosta fatturi, b’mod partikulari l-għarfien li l-inugwaljanzi huma evidenti fil-livelli kollha, mil-livell Ewropew sa livelli iktar immedjati; ir-rwol tad-diżlivell soċjali u r-rabta mill-qrib bejn is-saħħa u l-ġid; il-konsegwenzi fuq is-saħħa li għandhom l-iżvantaġġ li jġarrbu l-gruppi vulnerabbli u esklużi mis-soċjetà; u l-effetti differenti ta’ deċiżjonijiet ta’ politika soċjali fil-fornimenti tal-kura tas-saħħa u tal-appoġġ soċjali.

6.   jilqa’ l-bilanċ li l-karta fil-biċċa l-kbira tagħha ħolqot bejn kooperazzjoni Ewropea u sussidjarjetà, b’konformità mal-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE); iżda b’rabta ma’ dan jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-Istati Membri, anki skont it-Trattat ta’ Lisbona hija responsabbiltà tal-politiki nazzjonali tas-saħħa.

Kontribuzzjonijiet tal-politika tal-UE għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa

7.   jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni li tista’ ssir minn politiki ta’ appoġġ tal-UE, ġeneralment b’konformità mal-objettiv stipulat fl-Artikolu 168 tat-TFUE, kif ukoll fl-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamanetali, jiġifieri li “għandu jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-linji ta’ politika u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni.”

8.   ifakkar li “id-dritt ta’ aċċess għal kura preventiva tas-saħħa u d-dritt li tgawdi minn kura medika skont il-kondizzjonijiet stabbiliti mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali” huwa stipulat fl-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

9.   jilqa’ b’sodisfazzjon l-għanijiet ġenerali tal-Istrateġija tas-Saħħa tal-UE li tappoġġja l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni ta’ prattiki ta’ għajxien b’saħħtu.

10.   iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura mill-ġdid lill-Kumitat tar-Reġjuni li l-Proposta għal-Direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali, jekk tiġi implimentata, ser tqis b’mod sħiħ l-impatt fuq l-inugwaljanza fis-settur tas-saħħa.

11.   b’kunsiderazzjoni tal-enfasi li saret fuq l-Artikolu 168 TFUE dwar it-titjib tas-servizzi tas-saħħa fiż-żoni transkonfinali, il-Kumitat tar-Reġjuni jsejjaħ għal appoġġ għal dawk ir-reġjuni kontigwi fl-Istati Membri differenti sabiex jiġu żviluppati arranġament volontarji biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa minn fruntiera għal oħra. F’dan ir-rigward il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza l-opportunitajiet li joffri l-istrument tar-Raggruppament Ewropew għall-Kooperazzjoni Territorjali (REKT) li diġà ġie azzjonat minn bosta gruppi. Iżda l-Kumitat tar-Reġjuni huwa konvint li l-arranġamenti għal kura tas-saħħa transkonfinali usa’ għandhom jiġu valutati b’attenzjoni sabiex jiġi żgurat li l-moviment ta’ pazjenti minn fruntiera għal oħra ma jagħtix vantaġġ lil dawk il-gruppi li diġà jibbenefikaw mill-kura tas-saħħa u jinħoloq żvantaġġ għal oħrajn, bir-riżultat li l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa jkomplu jiħraxu. Għandu jittieħed impenn favur ir-reġjuni kollha li jiżgura li l-arranġamenti transkonfinali ser jagħtu aċċess ġust għall-promozzjoni tas-saħħa tal-gruppi vulnerabbli u bi prestazzjonijiet baxxi, fejn id-drittijiet ta’ dawn il-gruppi jikkompetu għar-riżorsi tal-kura tas-saħħa. L-aċċess għall-kura tas-saħħa transkonfinali għandu jkun disponibbli biss wara awtorizzazzjoni minn qabel sabiex l-individwi bi dħul baxx ikollhom aċċess ugwali għas-servizzi.

12.   jilqa’ b’sodisfazzjon l-għarfien tar-rwol tal-Politika Agrikola Komuni b’relazzjoni ma’ kwistjonijiet tas-saħħa u jirrikonoxxi l-kontribut ta’ programmi bħall-iskemi Ħalib għall-Iskejjel, Ikel għal dawk l-iktar neqsin, u Frott għall-Iskejjel favur l-appoġġ tan-nutrizzjoni u l-prattiki ta’ għajxien f’saħħtu. L-ikel provdut f’postijiet pubbliċi bħal fl-iskejjel u l-isptarijiet, fejn jista’ jkun, għandu jkun ibbażat fuq il-provvediment ta’ ikel tajjeb għas-saħħa, sustanzjuż u li jkun ġej minn sorsi lokali. Nilqgħu wkoll l-għarfien tal-impatt li jista’ jkollhom il-PAK u politiki oħrajn fuq is-saħħa fiż-żoni rurali permezz ta’ azzjoni rilevanti għall-aspetti soċjali li jidditerminaw is-saħħa. Il-KtR jirrikonoxxi li ż-żoni rurali għandhom sfidi speċifiċi fis-settur tas-saħħa: aċċess mhux adatt għall-kura tas-saħħa f’żoni rurali jista’ jirriżulta f’nuqqasijiet tas-saħħa f’xi Stati Membri; u r-rabta bejn l-ekonomija agrikola u l-migrazzjoni tista’ tirriżulta f’komunitajiet bi ħtiġijiet u inugwaljanz partikolari fejn tidħol is-saħħa. Fiż-żewġ każijiet, il-PAK tista’ taqdi rwol fit-titjib tal-kondizzjonijiet tal-għajxien, u għaldaqstant hija sinifikanti.

13.   ma jaqbilx li huwa suffiċjenti li ngħidu li l-politika tal-ambjent tal-UE u l-politiki tas-suq taħt il-Politika Agrikola Komuni jappoġġjaw firxa ta’ inizjattivi li jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib fis-saħħa. Għalkemm il-PAK għandha l-potenzjal li tagħti kontribuzzjoni, mhijiex strutturata biex tagħti prijorità lis-saħħa jew l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa u huwa leġittimu li nikkunsidraw l-impatt negattiv fuq is-saħħa li jista’ jirriżulta minn approċċ mhux ibbilanċjat fil-qasam tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib u tal-laħam meta mqabbel mal-frott u l-ħxejjex. Teżisti l-opportunità li dawn l-iżbilanċi jiġu riveduti fir-riforma tal-PAK u l-importanza li saħħa tajba u ekwitabbli tingħata appoġġ għandha tiġi enfasizzata f’kull stadju tal-proċess ta’ riforma.

Inugwaljanzi fis-saħħa u kwistjonijiet ekonomiċi

14.   jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tindirizzax b’mod sħiħ il-kwistjoni tar-relazzjoni diretta bejn l-użu eċċessiv tal-alkoħol u ta’ drogi oħrajn, il-mard u l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. Fir-rigward tal-alkoħol, il-KtR jirrikkonoxxi l-isfida partikulari li dan joħloq għal dawk li jfasslu l-politika u li jridu jikkunsidraw il-konsegwenzi tal-problema fuq l-ekonomija lokali u reġjonali, fejn jidħlu aspetti kemm pubbliċi kif ukoll privati.. F’dan il-kuntest huwa tajjeb li jiġi rikonoxxut li r-regolazzjoni tal-konsum toħloq xi diffikultajiet, iżda din mhijiex raġuni biex ninjoraw l-impatt tal-alkoħol fuq is-saħħa, u lanqas biex nagħtu anqas kas tal-abbuż tal-alkoħol u ta’ kull sustanza oħra li hi kapaċi tibdel l-istat psikiku tal-bniedem.

15.   jirrikonoxxi li l-Istati Membri tal-UE qed jiffaċċjaw kriżi finanzjarja u ekonomika serja u li din ser ikollha impatt inevitabbli fuq is-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini tagħha. Waqt li huwa minnu li l-qagħda ekonomika tista’ tkompli żżid id-differenzi li jeżistu fil-kondizzjonijiet tas-saħħa, din is-sitwazzjoni m’għandhiex tkun skuża biex ma nadattawx il-politiki b’tali mod li jindirizzaw aħjar l-inugwaljanzi. Il-falliment tal-istituzzjonijiet finanzjarji madwar id-dinja jobbliga lill-Istati Membri, lir-reġjuni u lil-lokalitajiet li jirrivedu l-approċċ tagħhom għall-bini ta’ komunitajiet sostenibbli. Politiki ffokati wisq fuq il-prosperità ekonomika jistgħu jirriżultaw f’inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. Waqt li d-diffikultajiet ekonomiċi jistgħu jirriżultaw f’livell iktar baxx ta’ prosperità ekonomika, m’għandhomx ixekklu l-għoti ta’ iktar prijorità lit-tnaqqis tal-inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u fis-settur tas-saħħa. Issa l-Kummissjoni għandha l-opportunità, fil-kuntest tal-FP7 u l-ippjanar baġitarju, li tirrivedi l-prijoritajiet u tenfasizza iktar il-miżuri li jindirizzaw l-inugwaljanza.

16.   jissuġġerixxi li d-diffikultajiet ekonomiċi attwali jfissru li d-dimensjoni ekonomika tas-servizzi tal-kura tas-saħħa u l-impatt ekonomiku ta’ popolazzjoni b’saħħitha qed isiru dejjem iktar importanti. Is-servizzi tal-kura tas-saħħa jħaddmu għadd sinifikanti ta’ nies u jiġġeneraw prosperità ekonomika permezz ta’ setturi assoċjati bħar-riċerka u l-innovazzjoni fis-saħħa, inklużi wkoll l-opportunitajiet li qed jinħolqu fl-ekonomiji emerġenti. Fl-istess waqt, it-telfien ta’ elementi tal-forza tax-xogħol b’konsegwenza ta’ mewt prematur jew korriment jirrappreżenta tnaqqis fil-produttività u żjieda fil-pressjoni fuq is-sistemi ta’ appoġġ soċjali.

17.   jappoġġja r-rikonoxximent tal-importanza ta’ saħħa aħjar għall-gruppi kollha tal-popolazzjoni fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Sistemi ta’ ħarsien soċjali diġà qed iġarrbu l-effetti ta’ demografika tal-popolazzjoni li qed tinbidel. Waqt li nilqgħu l-fatt li n-nies qed jgħixu iktar, jekk is-sistemi ta’ ħarsien soċjali ser jibqgħu fil-livell li l-Ewropej tgħallmu jistennew, irid isir iktar biex tiġi ġġestjonata d-domanda għas-servizzi. Għaldaqstant hija prijorità li jiżdiedu s-snin ta’ saħħa tajba għal dawk bl-agħar prospetti. Meta wieħed iqis l-estent tal-bidliet soċjoekonomiċi li popolazzjoni li qed tixjieħ fl-UE se ġġib magħha, il-KtR jixtieq jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp li jimmiraw lejn it-titjib tal-kura tas-saħħa għall-anzjani.

Il-kontribuzzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa

18.   japprova l-istqarrija li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE hija ta’ importanza ċentrali biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE2020 rigward il-koeżjoni ekonomika u soċjali u li tista’ tkun għodda b’saħħitha biex tindirizza l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. L-iżvilupp u l-ftehim dwar l-istrateġija UE2020, fejn għandha tiġi kkunsidrata l-allokazzjoni tal-fondi strutturali mill-2013 ’il quddiem, ser iservi ta’ opportunità tajba fis-sena 2010. Il-Kumitat jistenna li l-istrateġija UE2020 tiffoka b’mod sħiħ fuq il-ġlieda kontra l-esklużjoni, li jista’ jkollha rabta ċara mal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa.

19.   jemmen li l-fondi strutturali tal-UE jistgħu jintużaw bħala parti minn strateġija tal-iżvilupp reġjonali għall-bini tal-kura tas-saħħa lokali. Dan għaliex mhux iċ-ċittadini Ewropej kollha għandhom aċċess għal opportunitajiet ugwali, inklużi opportunitajiet marbutin mas-saħħa, li huwa wieħed mill-għanijiet fundamentali tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u tal-fondi strutturali.

20.   jagħraf it-tliet oqsma fejn jista’ jsir titjib li identifikat il-Kummissjoni: l-għarfien tal-opportunità li jintużaw fondi f’dan il-qasam, il-koordinazzjoni bejn it-taqsimiet tal-politika nazzjonali u l-kapaċità teknika biex jiġu żviluppati investimenti f’dan il-qasam. Madankollu, mhuwiex neċessarjament il-każ li dawn huma l-oqsma l-iktar prijoritarji. B’mod partikulari, jista’ jkollha impatt ikbar il-koordinazzjoni bejn l-aġenziji reġjonali u lokali, fejn dawn huma responsabbli għall-forniment dirett tas-servizzi. Barra minn hekk, il-kapaċità teknika tista’ teżisti fil-livell nazzjonali iżda mhux fl-aġenziji tas-saħħa fil-livell reġjonali u lokali, u għaldaqstant interventi għandhom jiġu mmirati lejn il-livell adatt sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

Il-ġbir, il-monitoraġġ u l-analiżi tad-data

21.   jappoġġja s-suġġeriment li l-kejl tal-progress lejn l-aġenda UE2020 jista’ jiġi żviluppat iktar biex jirrifletti l-importanza li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. L-indikatur tas-snin ta’ ħajja b’saħħitha jipprovdi kejl wieħed tal-qagħda tas-saħħa, iżda jrid jiġi supplimentat minn miżuri li jirriflettu l-importanza li tiċkien il-qasma bejn dawk li l-iktar u l-inqas f’saħħithom.

22.   jaċċetta l-evalwazzjoni tad-differenzi bejn l-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-ġbir u l-analiżi tad-data. L-iżvilupp ta’ indikaturi tas-saħħa mill-EUROSTAT għandu jkun ta’ għajnuna. Barra minn hekk jemmen li l-appoġġ reċiproku bejn l-Istati Membri permezz ta’ skambju tal-għarfien prattiku dwar it-titjib tal-kura tas-saħħa huwa strument effettiv li permezz tiegħu jistgħu jitnaqqsu d-differenzi bejn l-Istati Membri f’dan ir-rigward..

23.   iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isfidi partikulari fil-monitoraġġ tal-qagħda tas-saħħa fost il-migranti u l-komunitajiet tal-migranti. Popolazzjonijiet transitorji jew migratorji għandhom inqas ċans li jkollhom qagħda tas-saħħa tajba u jistgħu jsibu ruħhom wiċċ imb’ wiċċ ma’ ostakoli meta jipprovaw jaċċessaw l-appoġġ soċjali. Il-Komunikazzjoni tidentifika l-migranti bħala grupp vulnerabbli. Meta jintlaħaq l-għan ta’ monitoraġġ effettiv tad-data, għandha tingħata attenzjoni lill-isfidi speċifiċi ta’ monitoraġġ tal-qagħda tas-saħħa tal-gruppi migratorji jew transitorji.

24.   iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħraf l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel fil-qasam tas-saħħa u tappoġġja l-ġbir, il-monitoraġġ u l-analiżi ta’ data dwar is-saħħa klassifikata skont is-sess u statistika abbażi tal-ġeneru. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lid-dritt tan-nisa u tal-irġiel biex jaċċessaw kura tas-saħħa preventiva bil-għan li jiġu indirizzati b’mod effettiv id-differenzi bejn u fi ħdan l-Istati Membri.

Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali

25.   jilqa’ b’sodisfazzjon l-għarfien tar-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, kemm fil-forniment tal-kura tas-saħħa kif ukoll fl-għoti ta’ servizzi relatati mal-aspetti soċjali li jidditerminaw is-saħħa.

26.   jissuġġerixxi li ssir iktar enfasi fuq l-importanza tal-azzjoni lokali fil-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja b’saħħitha u jiġu evitati l-kondizzjonijiet li jwasslu għall-mard. Xi reġjuni diġà żviluppaw l-istrateġiji tagħhom sabiex jiksbu l-għanijiet tal-Komunikazzjoni u sabiex jiġi definit qafas għal politika ġenerali tas-saħħa. Il-Kumitat jenfasizza li l-programmi edukattivi fl-iskejjel huma kruċjali għall-promozzjoni ta’ konsum ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u ta’ għajxien f’saħħtu. Jeżistu ħafna aġenziji li huma f’qagħda li jikkontribwixxu għal azzjoni preventiva iktar b’saħħita, iżda f’ħafna każi prevenzjoni effettiva tesiġi attività lokali maħsuba tajjeb għall-ħtiġijiet ta’ komunitajiet partikulari. Waqt li n-natura tal-problemi li jwasslu għall-mard tista’ tkun komuni fl-Istati Membri, il-komunikazzjoni tal-messaġġi dwar għajxien b’saħħtu ta’ sikwit teħtieġ interventi fuq skala żgħira li jissejsu fuq l-għarfien lokali. Dawn l-interventi jistgħu jkunu effettivi f’lokalitajiet mifruxa madwar ħafna Stati Membri – żoni separati ġeografikament jista’ jkollhom sfidi simili, bħal rata għolja ta’ qgħad mill-għeluq ta’ impjanti tal-industrija tal-manifattura (heavy industry). Azzjoni futura għandha tfittex li torbot flimkien il-komunitajiet iż-żgħar ta’ madwar l-UE li qed jiffaċċjaw sfidi simili li forsi ma jaqsmux mal-ġirien reġjonali tagħhom li huma iktar fil-qrib. Kollaborazzjoni fil-livell nazzjonali tista’ tonqos milli tkun effettiva fir-rigward tal-kisba ta’ approċċi effettvi f’komunitajiet partikularment żgħar.

27.   jappoġġja bis-sħiħ il-fehma tal-Kummissjoni li t-titjib fl-iskambju tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni tal- politiki bejn livelli differenti tal-gvern u setturi differenti jista’ joħloq azzjoni iktar effettiva u jirriżulta f’impatt ikbar u iktar konsistenti. Il-Kumitat jissuġġerixxi li din il-fehma titwassal b’iktar forza: mhux biss li l-koordinazzjoni u l-iskambju jistgħu jwasslu għal azzjoni iktar effettiva u li tħalli impatt, iżda wkoll li din hija prekondizzjoni importanti għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa. L-impenn għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi tas-saħħa joffri opportunità importanti għall-Istati Membri biex jikkonsidraw il-livell ta’ kooperazzjoni fi ħdan il-konfini tagħhom, biex jitgħallmu minn dawk l-Istati Membri li kellhom suċċess fit-tiswir ta’ sħubijiet bejn il-livelli tal-gvern u setturi differenti.

Strutturi ta’ kooperazzjoni fil-livell tal-UE

28.   itenni l-interess li diġà wera l-Kumitat tar-Reġjuni li l-enfasi fuq l-inugwaljanzi fis-saħħa tiġi żviluppata f’kooperazzjoni reġjonali fil-qasam. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa impenjat favur il-prinċipju tal-interazzjoni strutturata mmexxija minn membri tal-Kumitat. Il-Kumitat huwa interessat ukoll li juża din l-interazzjoni strutturata biex jaħdem f’kollaborazzjoni mad-DĠ SANCO u l-ħidma tiegħu fil-qasam tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa.

29.   jemmen li interazzjoni strutturata mill-Kumitat tar-Reġjuni għandha tiġi ssuplimentata mir-rappreżentazzjoni tiegħu f’kumitati tal-UE relatati mas-saħħa u gruppi ta’ ħidma li jindirizzaw is-settur tas-saħħa. Waqt li huwa rikonoxxut li huwa fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri lil minn jaħtru bħala rappreżentanti biex jattendu dawn il-gruppi ta’ ħidma, ikun ta’ benefiċċju li jiġi rivedut il-progress li sar fil-livell lokali u reġjonali fir-rigward tal-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa.

Gruppi vulnerabbli

30.   jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli u l-attenzjoni partikulari li għandha tingħata lin-nies li jgħixu fil-faqar u li huma parti minn gruppi żvantaġġati, bħall-migranti, il-minoritajiet etniċi, il-persuni b’diżabilitajiet, l-anzjani u t-tfal li jgħixu fil-faqar.

31.   jitlob li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ gruppi vulnerabbli oħrajn, b’mod partikulari fejn l-inugwaljanzi fis-saħħa jistgħu joħorġu fid-dieher maż-żmien. Sabiex nindirizzaw il-problema tal-inugwaljanza li tista’ tiġi evitata, huwa kritiku li nifhmu n-natura tas-soċjetà li qed tinbidel u l-inugwaljanzi li jirriżultaw minn dan. Dan jista’ jinkludi l-ħtiġijiet ta’ adulti iżolati b’ riżultat ta’ familji li jisfaxxaw, persuni mċaħħdin mil-libertà u persuni istituzzjonalizzati, jew persuni li jgħixu f’żoni rurali b’bażi ekonomika qed tiddgħajjef. Għandha titqies ukoll l-importanza li wieħed jifhem l-influwenzi soċjali u kulturali prevalenti fi gruppi differenti tal-komunità minħabba l-effett sinifikanti li jista’ jkollhom fuq l-imġiba ta’ individwu.

32.   jenfasizza li azzjoni li tappoġġja gruppi vulnerabbli għandha tirrikonoxxi l-ambigwità inerenti fl-identifikar ta’ “migranti”. Fejn jidħlu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa, il-movimenti tal-popolazzjoni, irrispettivament minn jekk isirux ġewwa l-UE stess jew minn barra l-UE, jistgħu jirriżultaw fi żvantaġġi soċjali, aċċess limitat ħafna għal appoġġ soċjali u għaldaqstant inugwaljanzi fis-saħħa. Il-gruppi tal-popolazzjoni li ċċaqilqu fl-UE m’għandhomx aċċess ugwali għas-servizzi u jistgħu jisfaw pereżempju bla dar. Il-kundizzjoni li tkun bla dar tista’ tħalli impatt kbir fuq is-saħħa. Għandha tittieħed azzjoni speċifika sabiex tiġi kkunsidrata l-qagħda tas-saħħa ta’ popolazzjonijiet li jiċċaqilqu fl-UE.

Ir-rwol reġjonali u lokali fil-għoti ta’ fondi u servizzi

33.   jemmen li fejn jeżistu flussi ta’ fondi mmirati lejn is-saħħa, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jingħataw il-flessibilità li jagħżlu jekk jitfgħux l-enfasi fuq l-iżvilupp tal-ħiliet, tal-għarfien u tal-kapaċità fl-aġenziji ta’ forniment jew fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-kura tas-saħħa. Waqt li investiment fl-infrastruttura tas-saħħa jista’ jkun prijorità f’xi Stati Membri u xi reġjuni jew lokalitajiet fejn l-infrastruttura mhijiex żviluppata sal-livell meħtieġ, f’żoni oħra fejn hemm inugwaljanzi sinifikanti fis-settur tas-saħħa, l-infrastruttura tas-saħħa hija żviluppata sew. F’dawn iż-żoni l-investiment isir f’livell lokali ħafna sabiex jiġu żviluppati l-ħiliet, l-għarfien u l-kapaċità kemm fl-aġenziji tas-saħħa kif ukoll fil-popolazzjoni lokali.

34.   filwaqt li jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni nazzjonali tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar is-Saħħa u s-Sikurezza fil-post tax-xogħol tikkontribwixxi għal ugwaljanza fis-saħħa nazzjonali billi tħares is-saħħa tal-ħaddiema, jemmen li anki l-awtoritajiet reġjonali u lokali jista’ jkollhom rwol fit-tiswir tal-aħjar prattika fl-impjieg. Dan huwa rilevanti għall-awtoritajiet kemm bħala entitajiet sinifikanti li jħaddmu fir-reġjuni u l-lokalitajiet tagħhom, kif ukoll bħala awtoritajiet li kapaċi jinfluwenzaw il-prattiki fl-impjieg ta’ organizzazzjonijiet u partijiet interessati oħrajn fir-reġjuni u l-lokalitajiet tagħhom.

35.   ifakkar fit-talba għal aktar ċertezza legali għall-fornituri tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali f’relazzjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u jistenna li l-Kummissjoni taċċetta din il-proposta fil-programm ta’ ħidma tagħha tal-2010. F’dan ir-rigward jirrimarka l-impenn li għamel il-President tal-Kummissjoni Ewropea biex jelabora qafas ta’ kwalità għas-servizzi pubbliċi.

Rakkomandazzjonijiet

Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda:

36.   Aktar rikonoxximent fi ħdan l-istrateġija UE 2020 li s-saħħa u l-benesseri huma punti ewlenin fil-ġlieda kontra l-esklużjoni.

37.   Il-possibbiltà li jintużaw il-fondi strutturali sabiex jgħinu fl-indirizzar ta’ inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa.

38.   L-inklużjoni ta’ indikaturi lil hinn minn dak tas-snin ta’ ħajja f’saħħitha fil-monitoraġġ tal-aġenda ta’ Lisbona, speċifikament indikaturi li jirriflettu d-differenzi fil-qagħda tas-saħħa bejn gruppi differenti.

39.   Ir-rikonoxximent li l-kriżi finanzjarja attwali se tkompli żżid l-inugwaljanzi fis-saħħa taċ-ċittadini tal-UE li jsibu ruħhom qiegħda, bla dar jew fi stat ta’ faqar. Minflok iħeġġeġ iktar investiment fil-finanzjar ta’ programmi bħal FP7 u PROGRESS sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkollhom l-għajnuna biex jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-saħħa kemm fuq medda qasira ta’ żmien waqt il-ħruġ mill-programmi attwali kif ukoll fit-tul biex tiġi miġġielda l-problema tal-qasma li qed tikber fis-settur tas-saħħa.

40.   L-għarfien u t-tixrid mill-UE tal-Kummissjoni tad-WHO dwar l-aspetti soċjali li jidditerminaw is-saħħa, kif ukoll ir-reazzjonijiet tal-gvernijiet nazzjonali għall-Kummissjoni tad-WHO.

41.   Impenn favur il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni bħala għodda ta’ skambju tal-aħjar prattika u jsir benchmarking sabiex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi fis-saħħa madwar l-Istati Membri mingħajr ma jiddgħajfu l-isforzi li diġà qed jittieħdu fil-livell lokali u reġjonali.

Brussell, 14 ta’ April 2010

L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCARCEL SISO


27.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/7


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “It-trattament tal-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE (ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2009)”

(2010/C 232/02)

I.   DAĦLA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI:

1.   jilqa’ l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Kif għandna nittrattaw l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE” li tosserva li t-tixjiħ ser ikollu konsegwenzi konsiderevoli għall-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tisħaq li l-gvernijiet bilkemm għandhom 10 snin bħala “perijodu ta’ opportunità” (window of opportunity) qabel ma l-“babyboomers” joħorġu bil-pensjoni. L-urġenza, l-isfidi u l-opportunitajiet ilkoll huma kbar u jirrikjedu politiki mmirati. L-interventi li saru biex jiġi indirizzat it-tixjiħ ta’ dan il-grupp ta’ età għandhom ikunu marbuta mill-qrib mal-politiki tal-ugwaljanza bejn is-sessi sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali ta’ iktar faqar jew kondizzjonijiet soċjoekonomiċi inqas vantaġġużi fost in-nisa anzjani flimkien ma’ kwalità ta’ ħajja agħar minħabba r-rata ta’ mewt ogħla u dipendenza ikbar relatata ma’ fatturi determinanti skont is-sess;

2.   jirringrazzja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-NGOs u l-imsieħba oħra tal-parteċipazzjoni attiva fit-tfassil ta’ din l-opinjoni; b’mod partikolari matul il-laqgħa tal-ECOS tal-4 ta’ Settembru 2009, il-laqgħa tar-Roundtable tat-18 ta’ Novembru 2009 u l-Laqgħa tat-Task Force tal-14 ta’ Diċembru 2009;

3.   jenfasizza li t-tixjiħ ma jistax jiġi kkunsidrat waħdu iżda bħala parti minn transizzjoni demografika mifruxa. Din it-transizzjoni tfisser li l-firxa u l-għamla tal-popolazzjoni fil-livell lokali u reġjonali ser tinbidel sew. Hemm bosta fatturi differenti li jinfluwenzaw l-iżvilupp u l-impatt tat-tixjiħ ta’ din it-transizzjoni demografika (it-rata tat-twelid, it-rata tal-imwiet, il-mobbiltà u l-immigrazzjoni). It-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa proċess awtonomu. Is-sensibilizzazzjoni u l-għarfien ta’ dan il-proċess awtonomu huma essenzjali biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet tat-tixjiħ;

4.   iqis li r-relazzjoni ta’ erba’ persuni tal-età tax-xogħol għal kull persuna li għandha ’l fuq minn 65 sena ser tonqos għal żewġ persuni għal kull persuna ikbar minn 65 sena. Din hija previżjoni fit-tul; filwaqt li huwa tajjeb li nħarsu fit-tul, it-tixjiħ mhuwiex kwistjoni ta’ għada jew pitgħada. Din hija kwistjoni tal-lum. Diġà hemm iktar minn 60 reġjun li għandhom rata ta’ dipendenza tax-xjuħija (“old-age-dependancy”) ta’ iktar minn 29 % u diġà hemm iktar minn 70 reġjun li qed jiffaċċjaw tnaqqis fil-popolazzjoni tagħhom (xi wħud b’iktar minn 1 % fis-sena);

5.   josserva li n-nisa anzjani, il-persuni b’diżabbiltà u l-immigranti għandhom mnejn jiffaċċjaw sfidi partikolari fir-rigward tat-tixjiħ f’saħħtu u dawn l-isfidi għandhom jiġu indirizzati;

6.   iqis li t-tixjiħ l-ewwel nett huwa suġġett li għandu jiġi trattat fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-opportunitajiet mit-tixjiħ għandhom jiġu sfruttati sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali. L-istrateġija Ewropa 2020 hija bbażata fuq il-premessa li kull ċittadin u kull reġjun, skont il-kwalitajiet u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-Unjoni. Iċ-ċittadini Ewropej li jixieħu b’mod attiv u f’saħħithom jirrappreżentaw potenzjal li fil-biċċa l-kbira għadu ma ġiex sfruttat ħafna. Dan ma jirrikjedix biss politika intiża għall-anzjani, iżda għaċ-ċittadini kollha Ewropej, f’kull fażi tal-ħajja;

7.   fil-passat, il-Kumitat tar-Reġjuni osserva li l-effetti demografiċi tat-tixjiħ jinħassu primarjament fil-livell lokali. Il-gvernijiet reġjonali u lokali għandhom kompiti importanti fil-qasam tas-saħħa, il-benesseri, il-kura mħallsa u l-kura b’xejn, is-suq tax-xogħol u l-provvista tas-servizzi u l-infrastruttura għad-djar, it-trasport (pubbliku) u l-edukazzjoni. Il-gvernijiet lokali u reġjonali huma responsabbli biex fir-reġjun tagħhom jindirizzaw l-impatt b’mod kreattiv u innovattiv fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020. U ser tinħtieġ ukoll is-solidarjetà bejn iż-żgħażagħ u x-xjuħ, bejn il-postijiet li qed jikbru u dawk li qed jiċkienu, bejn iż-żoni rurali u dawk urbani, bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri;

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI:

8.   jirrakkomanda li jiddaħħlu tliet punti prinċipali bħala “ftehim ġdid” (new deal) għall-indirizzar tal-effetti tat-tixjiħ fl-UE li għandhom jiġu implimentati fi proġetti pilota interreġjonali jew transreġjonali. Dawn il-punti prinċipali huma marbuta mal-għanijiet tal-Kummissjoni. L-enfasi hija fuq ir-responsabbiltajiet lokali u reġjonali ewlenin għas-saħħa u l-kura, is-suq tax-xogħol u l-provvista ta’ faċilitajiet;

It-tixjiħ f’saħħtu; bil-għan li ċ-ċittadini Ewropej jibqgħu attivi u f’saħħithom kemm jista’ jkun.

Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-produttività tax-xogħol; bil-għan li tiġi promossa soċjetà Ewropea fejn kulħadd ikollu aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, il-parteċipazzjoni u l-kontribuzzjoni għall-iżvilupp tas-soċjetà, inkluża l-possibbiltà ta’ xogħol imħallas/mhux imħallas.

L-aċċess għas-servizzi u l-faċilitajiet; bil-għan li jiġu evalwati l-faċilitajiet għaċ-ċittadini li qed jixjieħu.

9.   josserva rabta diretta bejn dawn it-tliet punti ewlenin u għaldaqstant isejjaħ għal approċċ orizzontali. Nies li jibqgħu b’saħħithom huma u jixjieħu jsibuha iktar faċli li jużaw is-servizzi u l-faċilitajiet u jkollhom iktar opportunitajiet fis-suq tax-xogħol. Biex togħla l-produttività tax-xogħol, irid ikun hemm popolazzjoni tal-età tax-xogħol li tkun f’saħħitha u offerta tajba ta’ servizzi u faċilitajiet. Mis-servizzi u l-faċilitajiet jista’ jsir kontribut għat-tixjiħ f’saħħtu kif ukoll għaż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-produttività; jirrakkomanda wkoll approċċ skont is-sess li jħeġġeġ it-tixjiħ f’saħħtu b’kondizzjonijiet ugwali għall-irġiel u n-nisa;

10.   f’dawn il-prijoritajiet jagħraf li hemm aġenda soċjali ċara. Fl-imġiba tagħha mal-anzjani, is-soċjetà Ewropea turi s-solidarjetà tagħha. Fost oħrajn, din tfisser ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni (b’mod partikolari d-diskriminazzjoni tal-età), it-tneħħija ta’ ostakli għall-parteċipazzjoni tal-anzjani fis-soċjetà u l-provvista ta’ xibka ta’ sigurtà soċjali effettiva. Il-persuni li jużaw din ix-xibka qabelxejn għandhom ikunu jistgħu jistennew trattament dinjituż. Din l-aġenda soċjali hija r-responsabbiltà komuni tal-awtoritajiet pubbliċi u l-imsieħba (soċjali) tagħhom;

11.   jaqbel mal-inizjattiva biex tiġi ddikjarata “is-sena ta’ tixjiħ f’saħħtu u attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet”, bil-parteċipazzjoni sħiħa tat-tfal, tul il-mandat tal-Kummissjoni l-ġdida u jqis il-punti prinċipali u l-proġetti pilota bħala objettivi importanti ta’ dis-sena;

12.   jikkunsidra li l-ispirazzjoni tista’ tittieħed mill-atturi lokali li jaħdmu biex iċ-ċittadini (li jinkludu l-anzjani b’mod partikolari) jieħdu sehem attiv fis-soċjetà. L-assorbiment tal-impatt tat-tixjiħ jirrikjedi l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili kollha kemm hi. Din hija kwistjoni ta’ parteċipazzjoni attiva miċ-ċittadini, mill-organizzazzjonijiet soċjali, l-istituzzjonijiet tat-tagħlim u organizzazzjonijiet privati. L-inizjattiva soċjali ta’ dawn il-partijiet tista’ tagħmel differenza u hija kruċjali għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti pilota proposti;

HEALTHY AGEING (IT-TIXJIĦ F’SAĦĦTU)

“Nibqgħu f’saħħitna u attivi kemm jista’ jkun”

13.   bit-tixjiħ f’saħħtu jifhem l-isforzi kollha li jiġġieldu kontra l-effetti negattivi tal-proċess tat-tixjiħ fiżiku, psikoloġiku u soċjali. It-tixjiħ f’saħħtu jirrikjedi approċċ integrali tul il-ħajja (li tibda fit-tfulija). Hawnhekk għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-qofol tal-problemi tas-saħħa li jiżviluppaw tul il-ħajja tal-bniedem. Għandhom jitqiesu l-possibbiltajiet tal-prevenzjoni effettiva, kif ukoll il-fatturi ambjentali li jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem;

14.   iqis it-tixjiħ taċ-ċittadini Ewropej l-ewwel nett bħala żvilupp pożittiv (awtonomu) u sinjal ta’ prosperità. It-tixjiħ f’saħħtu jittratta l-kwistjoni ta’ kif in-nies kemm jista’ jkun jibqgħu f’saħħithom u tajbin u jibqgħu jieħdu sehem attiv fis-soċjetà b’enfasi fuq kontribut soċjali u ekonomiku. Mhuwiex it-tul tal-ħajja (bijoloġika), iżda s-sitwazzjoni tal-ħajja li hija ċentrali;

15.   jinnota li t-tixjiħ f’saħħtu joffri l-opportunità li jitnaqqsu l-ispejjeż li jirriżultaw mit-tixjiħ tal-popolazzjoni. Jekk ikun hemm iktar nies li jixjieħu f’saħħithom dawn jistgħu jibqgħu jagħtu sehem soċjali u ekonomiku lis-soċjetà. Sabiex jiġi promoss it-tixjiħ f’saħħtu, huma essenzjali innovazzjonijiet ġodda fil-ħsieb soċjopolitiku, ir-riċerka (dwar trattamenti u oqsma oħra bħall-għajnuniet tekniċi) u approċċ wiesa’ għall-bliet jew l-inħawi adatti għall-anzjani bil-varjetà ta’ prodotti relatati. Huwa essenzjali wkoll li jitħeġġu l-professjonisti kkwalifikati fl-oqsma soċjali u tas-saħħa billi jiġu estiżi l-programmi tat-tagħlim fil-kurrikulu universitarju jew mhux universitarju li jiffoka fuq it-tixjiħ, sabiex ikollna professjonisti mħarrġa u kkwalifikati li jittrattaw id-diversi aspetti tat-tixjiħ, speċjalment billi jitħeġġu profili professjonali li jistgħu jindirizzaw it-trattamenti, id-dipendenza u l-promozzjoni tas-saħħa. It-tixjiħ f’saħħtu huwa kontribut importanti fl-istrateġija Ewropa 2020;

16.   sabiex jonqsu l-ispejjeż marbuta ma’ popolazzjoni li qed tixjieħ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu politiki li jippermettu u jħeġġu lill-anzjani jibqgħu jgħixu d-dar għall-aktar tul taż-żmien possibbli;

GĦANIJIET

17.   għandu l-għan li jiżgura li r-reġjuni tal-Ewropa jsibu partijiet komuni fil-politika tagħhom favur it-tixjiħ f’saħħtu. Flimkien jistgħu jinstabu l-aħjar modi biex l-innovazzjoni u r-riċerka jiġu stimulati fil-qasam tat-tixjiħ f’saħħtu u l-monitoraġġ tal-progress. Biex dan l-approċċ jirnexxi tinħtieġ politika ta’ innovazzjoni mmirata. Id-diversi awtoritajiet flimkien mal-imsieħba (esperti) tagħhom għandhom jieħdu r-riedni f’idejhom biex jippromovu t-tixjiħ f’saħħtu;

18.   jitlob għal kooperazzjoni fir-rigward tat-tixjiħ f’saħħtu kemm fir-reġjuni stess kif ukoll bejniethom u jiddefinixxi dawn il-punti ċentrali li ġejjin għat-tixjiħ f’saħħtu (l-enfasi hawn hija fuq is-saħħa; il-prijoritajiet l-oħra jenfasizzaw il-parteċipazzjoni ekonomika u l-provvista tas-servizzi u l-faċilitajiet, rispettivament):

It-tqegħid ta’ bażi b’saħħitha sa minn età żgħira. It-tixjiħ f’saħħtu jeħtieġ bidu tajjeb. Iktar ma jiġu indirizzati kmieni l-perikli għas-saħħa bħall-piż żejjed, id-drawwiet tal-ikel u l-istil tal-ħajja iktar hemm ċans ta’ suċċess.

Kura adegwata u riintegrazzjoni mgħaġġla. Jekk tul il-ħajja jinqalgħu problemi tas-saħħa mhux mistennija, dawn għandhom jiġu ttrattati minnufih u b’mod effiċjenti, jiġifieri b’mod kosteffettiv. B’hekk l-individwu jkun jista’ jerġa’ jintegra ruħu u jibqa’ jieħu sehem fil-ħajja soċjali; dan jagħti kontribut importanti biex, fost affarijiet oħra, jiżdiedu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-appoġġ soċjali.

Kura tal-anzjani (fit-tul). Il-kura tal-anzjani teħtieġ approċċ speċifiku. L-ewwel nett billi l-anzjani huma ftit jew wisq vulnerabbli dan jista’ jkollu impatt kbir fuq is-suċċess tat-trattament. It-tieni nett minħabba li l-problemi tas-saħħa tal-anzjani qed ikunu dejjem iktar riżultat ta’ taħlita ta’ mard. Sabiex tingħata kura adegwata (fit-tul) lill-anzjani l-persunal f’dan il-qasam għandu jitħarreġ sew fit-trattamenti moderni u effettivi u aspetti oħra relatati mas-saħħa (bħar-riabilitazzjoni).

IL-PARTEĊIPAZZJONI FIS-SUQ TAX-XOGĦOL U L-PRODUTTIVITÀ TAX-XOGĦOL

“Tagħlim tul il-ħajja, xogħol u parteċipazzjoni tul il-ħajja għal kulħadd”

19.   jenfasizza li l-anzjani għandu jkollhom id-dritt għal dħul fi xjuħithom li jkun ogħla mil-limitu tal-povertà sabiex tkunilhom żgurata ħajja dinjituża. Ħafna anzjani, b’mod partikolari nisa, jgħixu fil-faqar jew jinsabu fir-riskju tal-faqar;

20.   jinnota li l-parteċipazzjoni (soċjali) issaħħaħ is-sens ta’ benesseri u kuntentizza tal-anzjani u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol hija l-iktar aspett importanti. Barra minn hekk, iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-produttività hija prerekwiżit importanti biex l-ekonomija, il-finanzi pubbliċi u s-sistemi tas-sigurtà soċjali jinżammu sodi fil-kuntest tat-tixjiħ tal-popolazzjoni. Il-parteċipazzjoni mhijiex biss dritt, iżda jekk inħarsu lejn il-futur qarib hija wkoll dmir għal kull ċittadin. Dan jitlob ukoll il-flessibbiltà neċessarja min-naħa tal-impjegati u ta’ min iħaddem. Dan ifisser ukoll obbligu għall-imsieħba soċjali u l-gvern biex isir possibbli li n-nies jieħdu sehem fis-suq tax-xogħol mingħajr restrizzjonijiet. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja direttiva wiesgħa ta’ non-diskriminazzjoni li tiffoka fuq l-aċċessibbiltà ta’ diversi prodotti u servizzi (fejn wieħed mill-aspetti importanti għandu jkun il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni skont l-età). Bħalissa jeżistu diskrepanzi kbar fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol bejn ir-reġjuni u l-gruppi identifikati. F’soċjetà moderna (li qed tixjieħ) is-soċjetà għandha tagħmel l-aħjar użu possibbli tal-ħiliet tal-anzjani. Jekk ikun hemm impjiegi ta’ kwalità tajba – u adatti – in-nies jistgħu jibqgħu jaħdmu għal żmien itwal. Dan ma jfissirx biss il-kondizzjonijiet tax-xogħol. Ifisser ukoll it-tibdil fix-xogħol, eċċ. Ir-restrizzjonijiet u l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol minħabba l-età, u pereżempju minħabba s-sess u l-oriġini (etnika) jew id-diżabbiltà huma inaċċettabbli;

21.   jisħaq li l-edukazzjoni u t-taħrig jaqdu rwol importanti biex jiżdiedu l-produttività u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Issa huwa l-waqt għal bidla kulturali lejn it-tagħlim tul il-ħajja mmirat lejn il-ħiliet u fejn l-għan huwa kapaċità għall-impjieg tul il-ħajja, ix-xogħol u l-parteċipazzjoni (soċjali). Dan ifisser li l-aċċess għas-servizzi u l-faċilitajiet għall-korsijiet u t-taħriġ għandhom ikunu ggarantiti. Iċ-ċittadini, il-gvernijiet, min iħaddem, l-impjegati u l-istituzzjonijiet għandhom responsabbiltà komuni biex dan isir realtà;

22.   iqis li mill-ħsieb ta’ tagħlim tul il-ħajja mmirat lejn il-ħiliet u x-xogħol eventwalment il-perijodu tal-pensjoni jsir iktar “fażi ta’ xogħol adattat għall-ħiliet”. L-ekonomija tal-anzjani (“silver economy”) toffri ħafna opportunitajiet għat-tisħiħ tal-ekonomija. Ix-xogħol volontarju u l-kura volontarja huma tassew modi importanti biex titwettaq din il-fażi ta’ xogħol adattata. L-iktar punt importanti huwa li ċ-ċittadini jibqgħu jgħixu ħajja attiva;

23.   fil-fehma tiegħu, il-migrazzjoni (selettiva) għax-xogħol jista’ jkollha wkoll impatt fuq l-iskarsezza fis-suq tax-xogħol. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li hemm rwol importanti għal politika organizzata għall-immigrazzjoni legali biex tiġi indirizzata l-iskarsezza fis-suq tax-xogħol. Ir-rikonoxximent ta’ diplomi u s-semplifikazzjoni ta’ proċeduri jistħoqqilhom l-attenzjoni (għandu jiġi kkunsidrat ir-riskju tal-effetti negattivi potenzjali ta’ brain drain fil-pajjiż tal-oriġini);

GĦANIJIET

24.   jimmira lejn it-titjib fil-kapaċità għall-impjieg taċ-ċittadini kollha tal-età tax-xogħol. Il-kompetenzi u l-ħiliet ta’ kulħadd – u b’hekk tal-anzjani wkoll – għandhom jintużaw bl-aħjar mod possibbli. Is-saħħa u kondizzjonijiet tax-xogħol sani huma fatturi kruċjali għall-kapaċità għall-impjieg. L-użu mtejjeb tal-kompetenzi disponibbli huwa qabelkollox ir-responsabbiltà tal-imsieħba soċjali. Iċ-ċittadini, kemm irġiel kif ukoll nisa, għandhom jintalbu jkomplu bit-tagħlim tul il-ħajja biex ikunu jistgħu jieħdu sehem sħiħ fid-domandi u l-isfidi li dejjem qed jinbidlu tas-soċjetà u l-ekonomija u jsibu l-post li jixirqilhom. Ir-rwol tal-gvern huwa li jiffaċilita u jistimula. Għandu jsir l-aħjar użu possibbli mill-kreattività u l-intraprenditorija taċ-ċittadini u s-settur privat. L-edukazzjoni u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jadattaw il-programmi tagħhom skont il-ħtiġijiet tal-anzjani sabiex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw l-għarfien u l-ħiliet neċessarji għal dan il-għan. Huwa importanti b’mod partikolari li ċ-ċittadini ta’ età iktar avvanzata jitħeġġu u jingħataw l-għajnuna biex il-kompetenzi tagħhom jiġu akkreditati u vvalidati;

25.   jitlob li l-produttività tax-xogħol u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol jiġu xprunati minn taħlita ta’ politiki mmirata u adatta għal kull reġjun u grupp identifikat. Il-prekondizzjonijiet jinkludu:

Investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tal-ħiliet, inklużi l-kondizzjonijiet biex iż-żgħażagħ isiru iktar mobbli ’l fuq fis-suq tax-xogħol;

Stimolu tal-kondizzjonijiet biex jinstab bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata, fost oħrajn il-kura tat-tfal, il-leave tal-kompassjoni (compassionate leave) u l-leave tal-ġenituri u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi (teleworking);

Promozzjoni tas-saħħa fuq il-post tax-xogħol. Għalkemm it-tul tal-ħajja medju fl-UE qed jiżdied, in-nies mhux qed idumu iktar f’saħħithom. Is-suq tax-xogħol għandu jiġi adattat b’tali mod li n-nies, minkejja r-restrizzjonijiet u problemi tas-saħħa eventwali, xorta jkunu jistgħu jieħdu sehem fis-suq tax-xogħol. Għalhekk, ser jinħtieġu kondizzjonijiet tax-xogħol b’faċilitajiet aħjar;

Akkreditazzjoni u validazzjoni tal-kompetenzi u l-esperjenzi ta’ ċittadini anzjani;

Tfittxija għal possibbiltajiet biex il-ħaddiema minn barra l-UE jitħallew jidħlu fis-suq tax-xogħol Ewropew b’mod intelliġenti għal impjiegi fejn hemm skarsezza ta’ ħiliet (pereżempju bħalissa f’partijiet tas-settur tal-kura u ċerti setturi li jirrikjedu għarfien intensiv iżda fil-futur jista’ jkun hemm skarsezza f’setturi oħrajn).

26.   jenfasizza li r-riskju li jitilfu d-drittijiet tal-pensjoni tagħhom, jew parti minnhom, f’każ li jkollhom dħul ieħor wara li jkunu laħqu l-età tal-pensjoni, huwa spiss raġuni għaliex il-ħaddiema anzjani ma jibqgħux attivi. Għandhom jiġu esplorati l-possibbiltajiet li jiġu adottati regoli aktar flessibbli fil-livelli adegwati f’dan ir-rigward;

27.   jenfasizza l-importanza tas-sensibilizzazzjoni tal-kumpaniji, b’mod partikolari ta’ dawk li jiġġestixxu r-riżorsi umani / l-uffiċċji ta’ reklutaġġ sabiex jimpjegaw persunal ta’ età avvanzata, b’mod partikolari nisa. Għandu jingħata appoġġ lil dawk il-kumpaniji li jagħmlu sforz partikolari sabiex jiżguraw il-mobbiltà interna għall-ħaddiema anzjani, jipprovdu arranġamenti ta’ flessibbiltà fix-xogħol jew jiffokaw l-istrateġiji tat-taħriġ jew tal-iżvilupp tal-karriera fuq il-bżonnijiet speċifiċi tal-ħaddiema anzjani. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġbor u xxerred l-aħjar prattiki f’dan ir-rigward. Huwa wkoll kruċjali li l-impjegati anzjani nnifishom jiġu sensibilizzati u infurmati f’dan ir-rigward;

AĊĊESS GĦAS-SERVIZZI U L-FAĊILITAJIET

“Evalwazzjoni tal-provvista tal-faċilitajiet”

28.   jifhem li l-provvista ta’ servizzi u faċilitatjiet tinkludi l-infrastruttura ġenerali soċjali, ekonomika u territorjali (fiżika) li tikkontribwixxi għall-kwalità tas-soċjetà lokali u reġjonali. Għalhekk għandha ssir distinzjoni bejn is-servizzi u l-faċilitajiet reġjonali u lokali (bħat-trasport pubbliku, il-kura, l-edukazzjoni, l-avvenimenti soċjali, il-kura tas-saħħa) u l-arranġamenti nazzjonali soċjali (bħall-pensjonijiet). Il-provvista tas-servizzi u l-faċilitajiet teħtieġ approċċ integrat u koordinat sabiex l-opportunitatjiet soċjali, ekonomiċi u spazjali jkunu jistgħu jiġu sfruttati;

29.   jinnota li l-provvista attwali tas-servizzi u l-faċilitajiet mhijiex adattata għall-bidla fid-domanda li seħħet minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Il-politika għandha tiżgura li n-nies ikunu jistgħu jkomplu jagħmlu l-aħjar użu mis-servizzi u l-faċilitajiet biex ikunu jistgħu jibqgħu jieħdu sehem attiv fis-soċjetà. Iż-żieda fid-domanda u riżorsi pubbliċi inadegwati jfissru li l-provvista tas-servizzi u l-faċilitajiet għandha terġa’ tiġi evalwata. Il-potenzjal tal-innovazzjoni għandu jiġi sfruttat jew implimentat b’mod differenti. Barra minn hekk, it-tixjiħ jirrappreżenta sfida addizzjonali biex jinstabu biżżejjed ħaddiema kkwalifikati li huma kruċjali biex is-servizzi u l-faċilitajiet jinżammu aċċessibbli; żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-produttività ser jgħinu hawnhekk (iżda ser jenħtieġu wkoll azzjonijiet oħra);

30.   jenfasizza li s-servizzi u l-faċilitajiet mhux dejjem jistgħu jiġu pprovduti bil-mod tradizzjonali f’żoni fejn id-demografija tinbidel ħafna. Fost affarijiet oħra, b’attenzjoni għall-hekk imsejħa e-inklużjoni qed tiġi stimulata garanzija differenti u robusta tad-disponibbiltà. Dan jinkludi s-servizzi elettroniċi bħall-e-saħħa, l-e-taħriġ, l-e-kura u l-e-assistenza. Id-distinzjoni tradizzjonali, u ħafna drabi marbuta mal-età, bejn il-faċilitajiet fiżiċi u elettroniċi qed issir dejjem iktar imċajpra u fil-ġejjieni ser jinħtieġu approċċi ġodda adatti skont il-qasam. Bl-istess mod, approċċ totalment ġdid għandu jinkludi netwerk reġjonali b’servizzi u faċilitajiet fiżiċi iżda wkoll aċċessibbli (diġitalment); “il-ktajjen telefoniċi” pereżempju, jirrappreżentaw pass żgħir inizjali;

31.   jisħaq ukoll li sistema tat-trasport pubbliku mmirata sew tagħmel kontribut kbir biex tinżamm l-aċċessibbiltà tas-servizzi u l-faċilitajiet, speċjalment jekk jinsabu f’post ċentrali u sistema tajba ta’ trasport (pubbliku). Dan jgħodd ukoll għall-faċilitajiet (tal-kura) għall-anzjani bħal pereżempju l-iskejjel u l-istituti tal-għarfien għaż-żgħażagħ u l-adulti. Għalhekk, f’dan il-kuntest huwa importanti li s-sistema tat-trasport (pubbliku) tkun adatta għall-livell reġjonali;

32.   jirreferi għall-inizjattiva tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa intiża biex tippromovi “bliet f'saħħithom” (“healthy cities”) fejn il-faċilitajiet u s-servizzi, flimkien mal-infrastruttura fiżika jiġu adatti għal popolazzjoni li qed tixjieħ. Il-parteċipazzjoni attiva (tal-anzjani) għandha rwol importanti fit-tfassil tal-politika dwar il-bliet f’saħħithom. Dan l-approċċ jikkonforma mal-fehma tal-Kumitat dwar l-aċċessibbiltà tas-servizzi u l-faċilitajiet;

GĦANIJIET

33.   għandu l-għan li l-ikbar numru ta’ nies possibbli jkunu jistgħu jużaw is-servizzi u l-faċilitajiet, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jaqdu rwol attiv fis-soċjetà. Fis-snin li ġejjin, il-provvista ta’ servizzi u faċilitajiet reġjonali u lokali ser ikollha tiġi adattata minħabba d-domanda li qed tinbidel. Għalhekk id-domanda ma tistax tkun ibbażata biss fuq l-età iżda fuq l-istil ta’ ħajja. Tal-inqas in-nies li jgħixu stil ta’ ħajja sana jeħtieġu inqas faċilitajiet jew faċilitajiet differenti min-nies li jkollhom stil ta’ ħajja mhux sana;

34.   jappella għall-iżvilupp u l-iskambju tal-għarfien dwar l-offerta tas-servizzi u l-faċilitajiet kemm fir-reġjuni kif ukoll bejniethom. Il-prijoritajiet ewlenin huma:

il-kooperazzjoni msaħħa. Il-provvista tas-servizzi u l-faċilitajiet teħtieġ kooperazzjoni tajba. Il-kooperazzjoni reġjonali u lokali bejn l-awtoritajiet, l-istituti tal-għarfien, l-organizzazzjonijiet fis-soċjetà (b’mod partikolari l-NGOs) u n-negozju hija l-mutur li ssaħħaħ l-appoġġ (f’termini kwalitattivi u kwantitattivi);

l-istimular tal-intraprenditorija kreattiva u l-innovazzjoni. Fejn it-tixjiħ tal-popolazzjoni Ewropea titqies bħala opportunità kbira għat-tisħiħ tal-kompetizzjoni tal-operaturi ekonomiċi. L-isfida għall-operaturi pubbliċi u privati reġjonali u lokali hija li jagħmlu użu minn ideat u teknoloġiji ġodda biex itejbu l-organizzazzjoni u l-finanzjar tas-servizzi u l-faċilitajiet li huma jipprovdu. Pereżempju l-broadband u l-e-inklużjoni (IT, tele-kura, teleshopping, u tele-tagħlim), iżda wkoll l-iżvilupp ta’ sistema ġdida ta’ trasport reġjonali jew l-iżvilupp addizzjonali tas-sistema ta’ trasport pubbliku eżistenti.

il-bidla fil-provvista. L-offerta tas-servizzi u l-faċilitajiet, kemm is-servizzi elettroniċi kif ukoll is-servizzi ta’ kura informali, għandha tiġi adattata għall-bidla fid-domanda miċ-ċittadini;

it-tħeġġiġ tal-użu tal-ICT biex tinkiseb inklużjoni soċjali u territorjali iktar għall-anzjani.

KONKLUŻJONIJIET

35.   jirrakkomanda li jkun hemm approċċ adatt biex jiġi indirizzat l-impatt tat-tixjiħ f’dawn l-oqsma: (1) it-tixjiħ f’saħħtu, (2) il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-produttività tax-xogħol (3) l-aċċess għas-servizzi u l-faċilitajiet. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa favur approċċ integrali lejn it-tixjiħ bħala parti minn transizzjoni demografika mifruxa. Dan l-approċċ għandu jqis iċ-ċiklu kollu tal-ħajja, u għandhom jiġu sfruttati l-opportunitajiet u d-differenzi bejn ir-reġjuni. B’hekk għandu jintlaħaq ftehim ġdid (new deal) biex jiġi indirizzat l-impatt tat-tixjiħ fl-UE bil-għan li ssir ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li joffru lir-reġjuni tagħhom soluzzjonijiet kreattivi u innovattivi;

36.   jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni b’mod partikolari:

Biex jiġu stimolati iktar sensibilizzazzjoni, skambju ta’ għarfien, innovazzjoni teknoloġika u l-iżvilupp tal-aħjar prattika u strateġiji ta’ intervenzjoni bejn l-atturi kollha fl-Unjoni (NGOs, istituti tal-għarfien, partijiet interessati mis-settur privat u awtoritajiet pubbliċi);

Monitoraġġ u previżjoni fil-livell reġjonali dwar it-tixjiħ tal-popolazzjoni bħala kontribut essenzjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika. Hemm differenzi kbar li fil-monitors nazzjonali mhumiex evidenti, iżda huma essenzjali biex jiġi antiċipat l-impatt tat-tixjiħ;

Biex jiddaħħal is-suġġett tat-tixjiħ bħala parti minn transizzjoni demografika mifruxa fid-diversi programmi Ewropej, bħala strument ta’ appoġġ għall-approċċi reġjonali, adatti, integrali u innovattivi. B’rabta ma’ dan, ir-reġjuni qed jitolbu għal kooperazzjoni mill-qrib u diretta mal-Kummissjoni.

37.   joffri li jaħdem mal-Kummissjoni fid-diversi skemi pilota transreġjonali u/jew interreġjonali bbażati fuq it-tliet prijoritajiet ċentrali. Dawn l-iskemi pilota huma primarjament ibbażati fuq l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattika. Dan ma jfissirx biss is-sensibilizzazzjoni. Fl-iskemi pilota għandhom jiġu applikati u skambjati metodi konkreti. Fid-dawl tal-karattru integrali tal-kwistjoni tat-tixjiħ, il-Kumitat huwa tal-fehma li l-għarfien m’għandux jinfirex biss fil-prijoritajiet ċentrali stess, iżda wkoll b’mod trasversali bejn il-prijoritajiet. L-iskemi pilota għandhom jippromovu l-iżvilupp tal-għarfien. Fl-implimentazzjoni tal-programmi sostantivi, l-imsieħba pilota jistgħu, b’mod indipendenti, jagħmlu użu mid-diversi sorsi ta’ fondi tal-UE. Fil-fuljett “Kif għandna nippromovu t-tixjiħ b’mod tajjeb fl-Ewropa: strumenti u għodod disponibbli għall-atturi lokali u reġjonali”, il-Kumitat, f’kollaborazzjoni ma’ AGE, stabbilixxa liema sorsi ta’ fondi huma disponibbli (KtR, 2009). Din hija għodda importanti fit-tnedija tal-iskemi pilota. Il-membri tal-Kumitat jistgħu jressqu s-suġġerimenti tagħhom għat-tħaddim ta’ dawn l-iskemi;

38.   jissuġġerixxi l-qafas li ġej għall-iskemi pilota. Dawn l-iskemi għandhom jiffokaw fuq l-għarfien prattiku u xjentifiku (kemm applikat kif ukoll bażiku) li jagħti kontribut biex jiġi indirizzat l-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE. Ir-riċerka bażika għandha tikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-ħtiġijiet tal-kura fil-ġejjieni fit-tul, fejn l-istudji dwar ir-rabta bejn il-koorti u l-bijobanek huma sorsi importanti ta’ informazzjoni. Sabiex niskopru kif in-nies jistgħu jibqgħu f’saħħithom huma u jixjieħu u b’hekk jipposponu ż-żmien meta jkollhom bżonn il-kura, għandna bżonn niskopru liema proċessi (ċellulari) iwasslu għat-tixjiħ. Biex noqorbu lejn it-tfassil ta’ sħubijiet interreġjonali jew transreġjonali tal-istituti tal-għarfien, il-gvernijiet (deċentralizzati) u l-partijiet interessati mis-settur privat għandhom jieħdu approċċ innovattiv immirat li għandu jiġi żviluppat u ttestjat fil-prattika. F’dan il-kuntest hemm rwol importanti għall-imsieħba soċjali, l-istituti tal-benesseri u tal-kura u NGOs oħrajn. Is-sħubijiet reġjonali jistgħu jitfasslu skont kompetenzi ta’ għarfien speċifiċi jew rabtiet tal-katina ta’ kooperazzjoni li huma disponibbli f’ċerti reġjuni jew fuq il-kwistjonijiet intrinsiċi tat-tixjiħ li jinsabu fir-reġjuni partikolari. Waħda mill-għażliet hawnhekk hija li ssir rabta mal-programmi eżistenti tal-INTERREG. Fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet imsemmija hawn fuq għandhom jiġu enfasizzati dawn il-kompiti:

it-tixjiħ f’saħħtu: it-tisħiħ tan-netwerks tal-kura (kura li tinkludi l-kooperazzjoni bejn id-diversi msieħba ta’ kura li jkunu involuti tul il-ħajja ta’ ċittadin u fil-ħtiġijiet assoċjati mal-kura) billi r-riżultati tar-riċerka jissarrfu fi prodotti, teknoloġiji u servizzi u esperjenzi prattiċi ġodda li jintużaw fi programmi ta’ riċerka.

il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-produttività: bil-għan tal-promozzjoni tas-soċjetà Ewropea fejn kulħadd ikun jista’ jieħu sehem fit-tagħlim u x-xogħol tul il-ħajja u jkun jista’ jagħmel kontribuzzjoni għall-iżvilupp tas-soċjetà, inkluża l-possibbiltà ta’ xogħol imħallas/mhux imħallas.

l-aċċessibbiltà tas-servizzi u l-faċilitajiet: l-iżvilupp ta’ approċċi adatti biex tittejjeb il-provvista tal-faċilitajiet.

39.   jappella lill-Parlament Ewropew biex jappoġġja t-talba tal-Kumitat tar-Reġjuni, biex jinkludi s-suġġett attwali u urġenti tat-tixjiħ tal-popolazzjoni (bħala parti minn transizzjoni demografika mifruxa) fl-iskemi pilota interreġjonali u/jew transreġjonali fil-livell reġjonali kif ukoll biex jingħaqad miegħu fit-tnedija tagħhom;

Brussell, 14 ta’ April 2010.

L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


27.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/14


Opinioni ta' Prospettiva tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-ġejjieni tal-politika ta’ koeżjoni”

(2010/C 232/03)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.   jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea fetħet minn kmieni l-iskambju tal-fehmiet dwar kif se tkun il-politika Ewropea ta’ koeżjoni wara l-2013 permezz tar-Raba Rapport dwar il-Koeżjoni ta’ Mejju 2007, il-Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali ta’ Settembru 2008, u r-Rapport ta’ Barca ta’ April 2009 kif ukoll permezz tar-rapporti ta’ progress dwar il-koeżjoni ekonomika u soċjali;

2.   jinsab kuntent li l-Kummissjoni Ewropea talbet lill-Kumitat tar-Reġjuni jħejji opinjoni ta’ prospettiva dwar kif il-politika ta’ koeżjoni tista’ tibqa’ strument effettiv għall-iżvilupp armonjuż u sostenibbli tal-Unjoni Ewropea u dwar kif tista’ tiffaċċja l-isfidi futuri fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE;

3.   jenfasizza li, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta’ Lisbona, għandha tibqa’ tingħata prijorità lill-objettiv tal-UE li tiġi żviluppata, anke fil-futur, politika għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sabiex jiġi promoss l-iżvilupp tal-Unjoni b’mod ġenerali. F’dan il-kuntest, hemm l-għan partikolari li jitnaqqsu d-differenzi bejn il-livelli ta’ żvilupp fir-reġjuni differenti u li titnaqqas it-tardività tal-aktar reġjuni żvantaġġjati. Fost iż-żoni kkonċernati għandha tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali, liż-żoni milquta mill-bidla industrijali u liż-żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi serji, bħar-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna u r-reġjuni insulari, ir-reġjuni tal-fruntieri u r-reġjuni muntanjużi. Għandhom jiġu rikonoxxuti wkoll il-problemi ta’ żoni urbani bħal bliet affettwati minn deprivazzjoni għal żmien twil;

4.   għalhekk, huwa tal-fehma li l-politika Ewropea ta’ koeżjoni għandha tkompli tiżviluppa bil-għan li anke fil-ġejjieni tgħin biex jingħelbu b’mod sostenibbli d-differenzi fl-iżvilupp, issaħħaħ it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi fir-reġjuni tal-Ewropa, tappoġġja l-inklużjoni soċjali u l-kompetittività fl-Istati Membri u r-reġjuni kollha, tiżgura s-sussidjarjetà u s-sostenibbiltà finanzjarja, u tkompli ttejjeb l-effettività tal-politika Komunitarja;

5.   jikkunsidra li d-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni għandu jsir qabel id-dibattitu dwar ir-reviżjoni tas-sistema Ewropea ta’ finanzjament billi l-objettivi politiċi għandhom jiġu stabbiliti qabel ma tiġi deċiża l-allokazzjoni tal-fondi; il-kwistjonijiet dwar il-qafas finanzjarju tal-politika futura ta’ koeżjoni mhux qed jiġu diskussi f’din l-opinjoni. Dawn għandhom jiġu ċċarati fil-kuntest tar-reviżjoni ppjanta tas-sistema ta’ finanzjament u tan-negozjati dwar il-perspettivi finanzjarji li jmiss. Madankollu, il-Kumitat tar-Reġjuni jesprimi minn issa l-appoġġ tiegħu li fil-futur parti sostanzjali mill-baġit tal-UE tkompli tiġi allokata għall-miżuri ta’ finanzjament tal-politika strutturali fi ħdan l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

L-isfidi futuri għall-politika ta’ koeżjoni wara l-2013

6.   jaqbel mal-Kummissjoni li qed jinbtu sfidi ġodda b’rabta mal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali li hemm bżonn jissolvew waqt li jitqiesu l-karatteristiċi konkreti tal-iżvilupp reġjonali, ir-riżorsi disponibbli u l-istrateġija ta’ żvilupp taż-żoni kkonċernati. L-adattament għall-problemi u l-opportunitajiet li jinbidlu l-ħin kollu huwa mekkaniżmu bażiku tal-politika reġjonali u strutturali. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni huwa konvint li l-livell reġjonali u dak lokali jistgħu jagħtu kontribut partikolari għall-ġestjoni tal-isfidi bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-politika tal-enerġija, l-iżvilupp demografiku jew il-globalizzazzjoni, b’koordinazzjoni mill-qrib mal-isforzi tal-livelli superjuri ta’ gvern. Huwa importanti li jiġu applikati l-prinċipji tal-governanza f’diversi livelli u li d-diversi livelli ta’ gvern jaħdmu flimkien;

7.   jiġbed l-attenzjoni li dawn l-isfidi, jekk jikkontribwixxu għat-tkabbir tad-differenzi ekonomiċi u soċjali fir-reġjuni tal-Ewropa, jaffettwaw il-politika ta’ koeżjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi analizzat b’liema mod l-isfidi l-ġodda għandhom jiġu kkunsidrati aktar ukoll fit-tfassil tal-politika ta’ koeżjoni. Meta tkun qed issir din l-analiżi, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk dawn l-isfidi għandhomx jiġu indirizzati permezz ta’ aġġustamenti leġiżlattivi jew ta’ proċessi politiċi ġenerali;

8.   jenfasizza li l-politika Ewropea ta’ koeżjoni tista’ tagħti kontribut ukoll għall-ġestjoni tal-isfidi l-ġodda billi ssaħħaħ il-kompetittività tar-reġjuni u tagħmilhom aktar attraenti. Diġà qiegħda tagħti l-kontribut tagħha billi, pereżempju, tippromovi l-innovazzjonijiet ekoloġiċi, il-miżuri għat-tisħiħ tal-effiċjenza fl-enerġija u l-miżuri għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli sabiex tiġi protetta l-klima, jiġu indirizzati d-diversi konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u tiġi żgurata l-provvista tal-enerġija. Fil-passat, din il-flessibbiltà tal-politika strutturali Ewropea diġà ppermettitilha li tiffaċċja l-isfidi l-ġodda; u issa tinsab f’pożizzjoni li tkompli tagħmel dan;

9.   fil-kuntest tal-isfidi l-ġodda ma jħossx il-bżonn li jitfasslu strumenti fundamentalment ġodda tal-politika strutturali jew li jiġu stabbiliti objettivi addizzjonali ġodda. Fl-istess kuntest jeħtieġ li jissaħħu l-objettivi ewlenin tal-politika strutturali, il-kompetittività u l-impjiegi fir-reġjuni kollha tal-Ewropa kif ukoll li titħaffef il-konverġenza tar-reġjuni li għadhom lura. Barra minn dan, wara l-2013 għandhom ikomplu jintużaw il-Fondi Strutturali Ewropej fir-reġjuni kollha tal-Ewropa sabiex tkun tista’ tiġi garantita l-koeżjoni ekonomika u soċjali, u jkunu jistgħu jiġu limitati d-differenzi territorjali bejn ir-reġjuni u fi ħdanhom stess;

10.   jappoġġja wkoll l-għan tal-aġenda territorjali tal-UE u r-riżultati ewlenin tad-diskussjoni fuq il-Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali, li jikkunsidraw l-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali, li jkunu integrati u ffokati fuq il-potenzjal, bħala strumenti promettenti sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni fl-Ewropa. Minħabba l-isfidi imminenti, l-Ewropa m’għandhiex il-lussu li tkun tista’ tgħaddi mingħajr approċċ komuni tal-politiki bejn il-livelli varji ta’ gvern u s-setturi differenti. L-isfidi l-ġodda jistgħu jiġu indirizzati b’mod effettiv biss jekk il-politiki Ewropej, nazzjonali u reġjonali jiġu kkoordinati b’mod konġunt;

11.   għalhekk, huwa favur li ssir analiżi ta’ kemm l-istrumenti tal-Fondi Strutturali tal-UE, flimkien ma’ strumenti oħra, jistgħu jintużaw b’mod effiċjenti, b’mod partikolari biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet marbuta mal-isfidi l-ġodda bil-għan li titħaffef il-konverġenza tal-Ewropa, li tittejjeb il-kompetittività tal-Unjoni fid-dinja u li sseħħ bidla lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Din l-analiżi għandha tindirizza wkoll l-interazzjoni bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija ta’ Lisbona għall-perijodu 2007-2013, u b’mod partikolari mal-kwistjoni dwar jekk l-allokazzjoni tal-fondi strutturali abbażi tal-objettivi ta’ din l-Istrateġija kelliex impatt fuq il-koeżjoni. Evalwazzjoni bħal din tista’ tippermetti orjentament mill-ġdid tal-linji gwida strateġiċi għall-politika ta’ koeżjoni, jekk dan ikun meħtieġ;

12.   jinnota li l-Fondi Strutturali tal-UE diġà taw kontribut essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona matul il-perijodu ta’ finanzjament 2007-2013 billi żiedu l-involviment tar-reġjuni fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija; għalhekk jemmen li l-potenzjal tal-politika strutturali Ewropea għandu jintuża wkoll fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda u li l-enfasi tal-politika ta’ koeżjoni tinżamm fuq l-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona mġedda waqt li jinżamm l-objettiv inizjali tal-politika ta’ koeżjoni li jikkonsisti mit-tnaqqis tad-differenzi fir-rigward tal-iżvilupp bejn it-territorji inqas żviluppati u l-bqija tal-UE. L-effettività u l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni jiddependu ħafna mill-kondizzjonijiet makroekonomiċi. Huwa importanti ħafna li jkun hemm kondizzjonijiet ekonomiċi favorevoli, li jappoġġjaw il-kompettività u l-impjiegi fir-reġjuni, sabiex jintlaħaq tkabbir ekonomiku awtosuffiċjenti fir-reġjuni. F’dan il-kuntest, il-politika ta’ koeżjoni għandha titqies bħala l-politika anċillari l-aktar importanti għat-tisħiħ tal-kompetittività fir-reġjuni li għadhom lura;

13.   barra minn hekk, jenfasizza li l-effettività u l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni jiddependu ħafna mis-sitwazzjoni ekonomika. Il-promozzjoni ta’ kondizzjonijiet ekonomiċi favorevoli, tal-kompetittività u tal-impjiegi fir-reġjuni hija ta’ importanza kruċjali biex fir-reġjuni jiġi stabbilit tkabbir ekonomiku li jsostni lilu nnifsu. F’dan il-kuntest, jeħtieġ li l-politika ta’ koeżjoni titqies bħala l-aktar mezz importanti għat-tisħiħ tal-kompetittività fir-reġjuni li għadhom lura;

14.   għalhekk jappoġġja l-istqarrija tal-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija tal-UE għall-2020 li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tibqa’ għan prinċipali tal-Istrateġija. Il-politika ta’ koeżjoni u l-fondi strutturali mhumiex biss strumenti importanti tal-politika tal-Unjoni iżda wkoll katalisti prinċipali sabiex ikun jista’ jinkiseb tkabbir innovattiv, sostenibbli u integrat fl-Istati Membri u r-reġjuni. Sabiex din l-istrateġija tirnexxi huwa essenzjali li jintrabtu mill-qrib l-objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali. Fl-istess waqt l-inizjattivi prominenti proposti m’għandhomx iwasslu biex il-politika ta’ koeżjoni Ewropea tiġi ristretta. Il-fondi strutturali għandhom jibqgħu mezz ta’ kif tinstab soluzzjoni integrata tal-problemi fil-livell reġjonali u m’għandhomx isiru mezz biex jissodisfa l-kondizzjonijiet settorjali;

15.   jenfasizza li l-politika Ewropea ta’ koeżjoni tagħti kontribut importanti kemm għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali kif ukoll għat-tnaqqis tad-differenzi soċjali fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jiġbed l-attenzjoni li, fid-dawl tal-konsegwenzi soċjali tal-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-politika tal-koeżjoni soċjali għandha titfassal b’rabta mal-koeżjoni ekonomika u territorjali, u m’għandhiex tintesa fil-futur. Madankollu, ta’ min iżomm quddiem għajnejh li l-politika ta’ koeżjoni għandha tkun politika fit-tul, li tkun kapaċi tirreaġixxi wkoll għall-bidliet fuq perijodu qasir ta’ żmien ikkaġunati mid-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika;

16.   huwa konvint li, minħabba l-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fuq is-suq tax-xogħol, fil-futur l-importanza ta’ strateġija Ewropea ta’ koeżjoni bbażata fuq l-impjiegi ser tkompli tikber. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-aktar strument ta’ finanzjament importanti tal-Komunità għall-politika tas-suq tax-xogħol u tal-impjiegi, huwa indispensabbli sabiex titwettaq din l-istrateġija. Fil-ġejjieni l-Fond Soċjali Ewropew għandu jinżamm bħala strument ta’ finanzjament li jservi l-objettiv tal-koeżjoni soċjali fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni. Barra minn hekk, huwa neċessarju li jinżamm approċċ integrat għall-applikazzjoni tal-Fondi Strutturali fit-territorji Ewropej. L-FSE għandu jkollu mezzi finanzjarji suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-objettivi Komunitarji tal-politika tas-suq tax-xogħol u tal-impjiegi kif ukoll tal-inklużjoni soċjali;

17.   huwa tal-fehma li l-valur partikolari tal-politika ta’ koeżjoni għandu jitkejjel mir-riżultati tagħha, u f’dan il-kuntest jagħmel referenza għall-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-effett ta’ lieva tal-politika ta’ koeżjoni. Il-Fondi Strutturali Ewropej huma strument importanti biex ir-reġjuni kollha jingħataw il-possibbiltà li jisfruttaw il-potenzjal intern ta’ żvilupp tagħhom għat-tkabbir sostenibbli, l-impjiegi u l-prosperità. Il-programmi li jiffokaw fuq il-prijoritajiet komuni Ewropej huma bbażati fuq strateġiji ta’ żvilupp miftiehma, u qed jiġu implimentati f’livell deċentalizzat. B’hekk qed jikkontribwixxu b’mod sensibbli għall-isfruttament tal-potenzjal ta’ tkabbir fi ħdan l-awtoritajiet lokali u reġjonali;

18.   jinnota li fost il-ħafna suċċessi tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni għandhom jissemmew partikolarment l-impulsi għar-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll għas-servizzi marbutin ma’ livell għoli ta’ għarfien. Ħafna mill-proġetti importanti għall-iżvilupp strutturali – b’mod speċjali anke fil-qasam tal-infrastruttura xjentifika u teknika u fl-iżvilupp ta’ approċċi innovattivi fil-politika tas-suq tax-xogħol u tal-impjiegi – setgħu biss jitwettqu kemm fir-reġjuni li għadhom lura kif ukoll fir-reġjuni l-oħra, permezz tar-riżorsi finanzjarji mill-Fondi Strutturali tal-UE. B’hekk diġà ġew implimentati bosta proġetti madwar l-Ewropa kollha li juru b’mod eċċellenti l-valur miżjud Ewropew tal-appoġġ mill-Fondi Strutturali tal-UE. Il-politika ta’ koeżjoni ffokata fuq ir-reġjuni, li tikkomplementa l-promozzjoni tal-eċċellenza fil-livell Ewropew, tiżgura li l-politika Ewropea tal-innovazzjoni tiżviluppa l-effett wiesa’ meħtieġ sabiex l-Istrateġija UE 2020 tirnexxi. Sabiex jiġu massimizzati u msaħħa l-impatt u r-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni fir-reġjuni, huwa importanti li tiġi żgurata l-koordinazzjoni tal-programmi u l-istrumenti għall-finanzjament tal-politiki tal-innovazzjoni u r-riċerka u l-politika ta’ koeżjoni;

19.   fl-istess ħin jinnota li l-impatt tal-Fondi Strutturali Ewopej ma jsirx biss direttament permezz tal-finanzjament li jagħmlu. Jikkontribwixxu b’mod essenzjali wkoll biex l-istrateġiji tal-politika reġjonali u strutturali tal-atturi li joperaw f’diversi livelli jiffokaw fuq objettivi komuni. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni huwa konvint li b’hekk ser tiżdied b’mod ċar l-effiċjenza tar-riżorsi Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali kollha li jintużaw għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Is-sistema ta’ governanza f’diversi livelli, b’responsabbiltà deċentralizzata rigward il-programmi fiż-żoni li jirċievu l-għajnuna, tiżgura li l-Ewropa jkollha objettivi komuni bl-użu ta’ miżuri koerenti, u fl-istess waqt twitti t-triq għall-istabbiliment ta’ prijoritajiet reġjonali u lokali speċifiċi. Il-Kumitat jemmen li dan huwa l-valur miżjud tal-politika strutturali Ewropea li jmur lil hinn mis-solidarjetà finanzjarja;

20.   huwa tal-fehma li l-valutazzjoni ex-post kontinwa tal-aħħar perijodu ta’ finanzjament u r-reviżjoni ta’ nofs il-perijodu li ser issir ’il quddiem għandhom jintużaw sabiex juru l-potenzjal u l-impatti pożittivi tal-appoġġ mill-Fondi Strutturali;

Il-prinċipji tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2013

21.   jaqbel mal-punt li jsir fir-Rapport ta’ Barca li l-politika strutturali għandha titqies ukoll b’rabta mal-objettivi ewlenin tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li jiżdiedu t-tkabbir, il-prosperità u l-koeżjoni u li tinżamm il-paċi; u jemmen li hemm bżonn li din il-politika tibqa’ tiġi applikata fir-reġjuni kollha tal-Ewropa, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-aktar reġjuni dgħajfa. Il-politika strutturali hija pilastru importanti fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u tippermetti l-identifikazzjoni taċ-ċittadini mal-proġett “Ewropa”. Għaldaqstant, il-formula għall-politika Ewropea ta’ koeżjoni tal-ġejjieni tista’ tkun: il-programmi Ewropej ta’ għajnuna b’qafas strateġiku flimkien mal-kompetenzi reġjonali u lokali sabiex jissolvew il-problemi jwasslu għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

22.   jemmen li jkun utli li jiġi żviluppat metodu biex tiġi analizzata l-marka tal-karbonju tal-proġetti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali, u jirrakkomanda b’mod partikolari li l-ippjanar tal-programmi futuri għandu jħares lejn in-newtralità tal-karbonju. Kif diġà previst f’xi Stati Membri, l-investimenti m’għandhomx iwasslu għal aktar emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra;

23.   f’dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni li l-approċċ deċentralizzat tal-politika ta’ koeżjoni rnexxa u għandu jinżamm. Madankollu għandha ssir analiżi ta’ liema proċeduri jistgħu jkomplu jiġu ssemplifikati sabiex titnaqqas il-burokrazija fl-amministrazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni;

24.   huwa favur approċċ differenzjat fl-użu ta’ indikaturi sinifikanti magħżula b’mod għaqli għall-valutazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, bil-għan li r-riżorsi jintużaw b’mod immirat u jkunu jistgħu jiġu rappreżentati b’mod komprensiv l-impatti tal-politika strutturali;

25.   jinnota li anke oqsma ta’ politika oħra tal-UE jinfluwenzaw il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u għalhekk dawn l-oqsma għandhom jikkunsidraw ukoll l-objettivi tal-politika ta’ koeżjoni, u b’hekk isejjaħ lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq studji ex-ante dwar l-impatt territorjali tal-proposti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi fl-oqsma li għandhom dimensjoni territorjali ċara (is-servizzi pubbliċi, it-trasport, l-enerġija, l-ambjent, il-kompetizzjoni, l-agrikoltura, eċċ.). Il-KtR iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tagħti attenzjoni partikolari lil dan l-aspett fit-tħejjija tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. B’rabta ma’ dan, il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ biċ-ċar l-isforzi tal-Kummissjoni biex tgħaqqad aħjar il-politika ta’ koeżjoni ma’ politiki oħra li għandhom impatt territorjali ċar fuq il-livell reġjonali u biex toħloq is-sinerġiji;

26.   jemmen li mil-lat funzjonali l-politika ta’ koeżjoni tal-UE hija marbuta mill-qrib mad-dispożizzjonijiet tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u dawk applikabbli għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Għalhekk, ir-riforma tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha ssir flimkien ma’ reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Fil-każ ta’ postijiet li jkunu qed jikkompetu f’livell dinji u tal-investimenti fl-industriji tal-futur jista’ jkun hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet differenzjati. Rigward is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, il-KtR jitlob lill-Kummissjoni tuża l-bażi legali ġdida stabbilita fl-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari biex tiġi speċifikata l-kompatibbiltà tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament ta’ dawn is-servizzi mas-sistemi Komunitarji rilevanti;

27.   itenni li l-prinċipju tas-sħubija u, b’rabta ma’ dan, l-involviment tal-imsieħba ekonomiċi u soċjali u ta’ atturi reġjonali u lokali oħra fil-fażijiet kollha tal-appoġġ mill-Fondi Strutturali rnexxew iżidu l-aċċettazzjoni u l-eżattezza fl-objettivi tal-interventi. F’dan il-kuntest, jipproponi li jiġi appoġġjat aktar l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn ir-reġjuni sabiex tissaħħaħ is-sħubija. Mill-banda l-oħra, il-Kumitat tar-Reġjuni ma jarax li hemm bżonn li jiġi estiż l-ambitu tad-dispożizzjonijiet legali għat-tfassil tas-sħubija fil-livell Ewropew;

28.   jirrikonoxxi l-bżonn li jiġu evalwati mill-ġdid l-effiċjenza u l-effettività tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-mezzi finanzjarji qed isiru dejjem aktar skarsi. F’dan il-kuntest, iż-żieda fl-użu tar-riżorsi privati toffri opportunitajiet addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Madankollu, l-użu tar-riżorsi privati fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni għandu dejjem ikun inċentiv u qatt m’għandu jissostitwixxiha;

29.   b’rabta ma’ dan, itenni l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat l-użu ta’ revolving funds fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni f’oqsma adatti sabiex isir dan, bil-għan li l-istrumenti ta’ self jintużaw aktar minn qatt qabel fl-implimentazzjoni ta’ din il-politika. Jirrikonoxxi r-rwol tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-istrumenti bħal JEREMIE u JASPERS fl-iżvilupp u l-implimentazzzjoni ta’ programmi tal-Fondi Strutturali bbażati fuq is-self;

30.   huwa favur l-applikazzjoni aktar konsistenti tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fil-politika ta’ koeżjoni. Madankollu, dawn il-prinċipji m’għandhomx jitnaqqsu għall-konsiderazzjonijiet tal-effiċjenza. Is-sistema deċentralizzata użata s’issa fil-politika ta’ koeżjoni, li tinkludi t-tfassil ta’ programmi operattivi fil-livell nazzjonali u reġjonali bi djalogu bbażat fuq is-sħubija mal-Kummissjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi operattivi b’mod awtonomu mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, ħalliet il-frott. Din is-sistema għandha tinżamm u tiġi żviluppata sabiex tissaħħaħ ir-responsabbiltà individwali tar-reġjuni u l-lokalitajiet fl-implimentazzjoni operattiva tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni;

31.   jilqa’ bis-sħiħ il-pass li ttieħed fil-perijodu ta’ finanzjament 2007-2013 lejn approċċ aktar strateġiku fil-ġestjoni tal-politika strutturali tal-UE. Il-ġestjoni abbażi tal-objettivi flok tar-regoli tal-eliġibbiltà tfisser li r-reġjuni jkunu jistgħu jagħżlu l-firxa ta’ miżuri u strumenti adatti għalihom u, jekk ikun hemm bżonn, jadattawhom mingħajr ma tintesa l-koerenza mal-objettivi tal-UE;

32.   barra minn hekk, itenni l-ħtieġa li jiġu kkoordinati aħjar l-azzjonijiet ta’ żvilupp rurali taħt it-tieni pilastru tal-PAK mal-politika reġjonali bil-għan li tittejjeb il-konsistenza bejn l-iżvilupp rurali u dak urban. Din il-koordinazzjoni tista’ twassal għal qafas strateġiku fil-livell Ewropew f’forma ta’ linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-Fondi Strutturali u l-FAEŻR;

33.   huwa konvint li t-tħejjija ta’ rapporti u l-monitoraġġ b’mod konsistenti tal-objettivi strateġiċi Ewropej sabiex jiġu vvalutati l-progressi u tiġi eżaminata wkoll l-affidabbiltà tal-proċeduri ta’ monitoraġġ u awditjar tal-Istati Membri fid-dawl tal-għan li jkun hemm inqas proċeduri ta’ monitoraġġ iżda monitoraġġ aħjar, flimkien ma’ sistema ċara u stabbli ta’ kontroll, jistgħu jgħinu ħafna f’din il-ġestjoni strateġika. B’hekk jiġi evitat ukoll il-piż amministrattiv li mhux meħtieġ;

34.   huwa tal-fehma li l-programmi ta’ monofondi introdotti għall-FEŻR u l-FSE rnexxew ukoll. Il-prinċipju tal-monofondi ffaċilita b’mod konsiderevoli l-proċeduri tal-approvazzjoni u tar-reviżjoni meta mqabbla mal-programmi ta’ multifondi li kienu jintużaw qabel. Il-flessibbiltà meħtieġa nħolqot billi sar possibbli, sa ċertu punt, li anke l-miżuri ta’ fond ieħor ikunu jistgħu jiġu inklużi fil-programmi. Il-koordinazzjoni bejn il-fondi u l-programmi operattivi rispettivi tagħhom għandha tissaħħaħ bl-għan li fl-aħħar mill-aħħar l-FSE u l-FEŻR jikkumplementaw aħjar lil xulxin fil-livell lokali u reġjonali;

35.   jenfasizza l-kwistjoni dejjem preżenti tat-tnaqqis tal-burokrazija u l-iffaċilitar tal-proċeduri amministrattivi fl-allokazzjoni, l-użu, ir-regolazzjoni u l-kontroll tar-riżorsi finanzjarji mill-fondi strutturali tal-UE. Dan għandu jgħodd ukoll għall-kondizzjonijiet tal-ippjanar ta’ programmi futuri;

36.   jinnota li matul il-perijodu ta’ finanzjament attwali kibru l-eżiġenzi mis-sistema ta’ implimentazzjoni u ta’ kontroll finanzjarju. Is-semplifikazzjonijiet imħabbra xi drabi ħadmu kontrihom, u nħoloq piż sproporzjonat. Barra minn hekk, il-monitoraġġ juri li l-effettività tal-isforzi fil-qasam tal-iżvilupp tiddgħajjef. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jippromovi proċedura ta’ kontroll sempliċi u trasparenti, imma effettiva. Il-Kumitat ma jemminx li hemm bżonn li ssir valutazzjoni sħiħa tal-konformità tal-proċeduri f’kull perijodu ta’ finanzjament. Minflok, ir-rikonoxximent tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali fil-qasam tal-finanzjament għandu jkun biżżejjed. Għandhom jiġu eżaminati wkoll l-istruttura tal-awtoritajiet tal-kontroll, l-istandards tal-kontroll u d-definizzjoni u l-identifikazzjoni tar-rati ta’ żbalji bil-għan li jiġu ssemplifikati. Il-prattika persistenti li jiġu stabbiliti regoli u standards b’effett retroattiv tikkomplika s-sitwazzjoni, toħloq problemi għall-funzjonament tajjeb tal-amministrazzjoni, u għandha tieqaf fil-ġejjieni. Alternattiva oħra li tista’ tiġi studjata hija l-applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali tal-proporzjonalità bil-għan li r-rekwiżiti regolatorji ta’ kontroll jiġu adatti skont id-daqs tal-proġetti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

37.   jiġbed l-attenzjoni li r-regola l-ġdida introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona li l-Istati Membri jingħataw parti mir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE tista’ toħloq possibbiltajiet ġodda għas-semplifikazzjoni. Il-KTR jinnota li tista’ tintlaħaq semplifikazzjoni addizzjonali jekk il-Kummissjoni tanalizza l-proċeduri ta’ verifika tal-Istat Membru u tara jekk jistgħux jitwettqu “kuntratti ta’ fiduċja” mar-reġjuni sabiex tiġi evitata d-dupplikazzjoni fil-proċeduri ta’ verifika. Il-prinċipju tal-proporzjonalità għandu jiġi applikat fid-dispożizzjonijiet għal proġetti żgħar sabiex jitnaqqsu l-piżijiet;

L-arkitettura futura tal-politika ta’ koeżjoni wara l-2013

38.   huwa sodisfatt li sa mis-sena 2000 il-politika strutturali tal-UE rriformat is-sistema ta’ għajnuna billi tneħħew n-numru kbir ta’ objettivi oriġinali u n-numru kbir ta’ inizjattivi Komunitarji speċifiċi, u b’hekk seta’ jsir progress ċar f’termini ta’ ċarezza u semplifikazzjoni. Dan il-progress m’għandux jerġa’ jiġi ddubitat;

39.   huwa tal-fehma li l-limitazzjoni għal numru żgħir ta’ objettivi, l-involviment tar-reġjuni kollha tal-Ewropa b’attenzjoni speċjali għar-reġjuni li għadhom lura, it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-livelli u r-responsabbiltà tar-reġjuni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni deċentralizzati tal-programmi ħallew il-frott;

40.   madankollu, jemmen li l-politika ta’ koeżjoni Ewropea għandha tgħin biex tkompli tittejjeb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Komunità kif ukoll il-kompetittività tagħha sabiex jiġu żgurati t-tkabbir ekonomiku sostenibbli, rata għolja ta’ impjiegi, l-inklużjoni soċjali kif ukoll il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi, u jenfasizza li għandu jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati fl-Ewropa kollha. Fil-futur għandhom jiġu appoġġjati b’mod partikolari r-reġjuni li għadhom lura, irrispettivament minn f’liema Stat Membru jinsabu. Il-politika ta’ koeżjoni hija element fundamentali biex iċ-ċittadini jimpenjaw ruħhom – fil-livell lokali u reġjonali – favur l-istrateġiji politiċi globali tal-UE;

41.   huwa tal-fehma li l-politika Ewropea ta’ koeżjoni saret ukoll fil-parti l-kbira politika li tippromovi l-innovazzjoni, il-kompetittività u t-tkabbir u, b’hekk, l-impjiegi sostenibbli;

42.   jaqbel mal-Kummissjoni li l-għajnuna fil-proċessi ta’ rilanċ ekonomiku fir-reġjuni dgħajfa tal-Istati Membri l-ġodda huwa aspett partikolarment importanti fil-politika Ewropea ta’ koeżjoni u għandu jinżamm. Għalhekk, jirrakkomanda li l-istrumenti tal-politika ta’ koeżjoni jiffokaw fuq dawn l-Istati Membri u r-reġjuni. B’dan il-mod, il-politika ta’ koeżjoni tkun tista’ tgħin sabiex jittieħdu l-opportunitajiet li joffri s-suq intern u l-integrazzjoni Ewropea b’mod ġenerali. Min-naħa l-oħra, il-politika ta’ koeżjoni tal-UE m’għandhiex issir biss strument ta’ “trasferiment tal-fondi”;

43.   huwa tal-fehma li sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni fl-Ewropa, ser ikun hemm bżonn li anke fil-futur ikomplu jiġu allokati l-biċċa l-kbira tar-riżorsi mill-Fondi Strutturali Ewropej għar-reġjuni li jinsabu lura f’termini ta’ żvilupp bil-għan li jsir progress fl-ibbilanċjar tad-differenzi reġjonali. L-użu tal-limitu ta’ 75 % tal-prodott domestiku gross għal kull abitant imqabbel mal-medja tal-UE fil-livell ta’ NUTS-II kien sodisfaċenti bħala kriterju sabiex jiġu identifikati r-reġjuni li għadhom jingħataw l-għajnuna. Għall-valutazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ li jinstabu indikaturi taħt il-livell tan-NUTS-II biex jiġu enfasizzati l-karatteristiċi reġjonali u s-sitwazzjoni fir-reġjuni;

44.   jaħseb li anke r-reġjuni li m’għadhomx eliġibbli għall-finanzjament massimu għandhom bżonn l-għajnuna permezz ta’ strumenti ta’ appoġġ affidabbli u adegwati li jkopru diversi oqsma u li jqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ dawn ir-reġjuni, bil-għan li jiġi sfruttat il-potenzjal disponibbli fit-tul, anke fl-interess tal-UE b’mod ġenerali. B’hekk biss jista’ jiġi żgurat li s-suċċessi li nkisbu s’issa permezz tal-appoġġ mill-Fondi Strutturali f’dawn iż-żoni jibqgħu jħallu l-frott fit-tul. Għalhekk, għal dawn ir-reġjuni (inklużi r-reġjuni milquta mill-hekk imsejjaħ “effett statistiku”) għandhom jiġu previsti regoli tranżitorji ġusti u adatti fil-qafas tal-objettiv tal-konverġenza, biex jiġi evitat li f’daqqa waħda tinqata’ l-għajnuna hekk kif jinqabeż il-limitu ta’ 75 % u biex ir-reġjuni kkonċernati jingħataw garanzija li l-kompetittività tagħhom tista’ tkompli tissaħħaħ. Fi kwalunkwe każ, irrispettivament mill-istruttura futura tal-politika reġjonali u l-objettivi tagħha, għandha tibqa’ tiġi garantita l-għajnuna finanzjarja għar-reġjuni li għall-ewwel darba ma jkunux ser jibqgħu koperti mill-objettiv tal-konverġenza;

45.   jilqa’ l-fatt li l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxew b’mod ċar is-sitwazzjoni partikolari tar-reġjuni li wara l-2013 mhux ser jibqgħu eliġibbli għall-għajnuna massima fil-qafas tal-objettiv tal-konverġenza;

46.   jingħaqad mal-istendina li jagħmel il-Parlament Ewropew biex il-Kummissjoni “tistabbilixxi sistema iktar komprensiva ta’ assistenza ta’ tranżizzjoni gradwali lil reġjuni li dalwaqt jaqbżu l-limitu ta’ 75 % tal-PDG, sabiex ikunu provduti bi status iktar ċar u b’iktar sigurtà fl-iżvilupp tagħhom”;

47.   jenfasizza li wara l-2013, fil-qafas tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni, ir-reġjuni li jagħmlu parti mill-objettiv tal-“kompetittività reġjonali u impjiegi” għandhom jibqgħu jingħataw għajnuna li tkopri diversi oqsma għax dawn ir-reġjuni għandhom żoni fqar sinifikanti u għax id-differenzi soċjali u territorjali komplew jiżdiedu f’dawn ir-reġjuni madwar l-Ewropa kollha. Dawn ir-reġjuni jagħtu kontribut importanti għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Lisbona. Huma jistgħu biss jagħtu l-kontribut tagħhom għall-koeżjoni u l-kompetittività fit-tul, jekk ikun hemm sforzi konsistenti biex il-kompetittività, l-innovazzjoni u r-rata għolja tal-impjieg ikunu f’sintonija mal-eżiġenzi tas-sostenibbiltà;

48.   huwa sodisfatt li, kif ħabbret il-Kummissjoni Ewropea fil-ħames rapport ta’ progress dwar il-koeżjoni, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma favur li jinżamm l-objettiv tal-“kompetittività reġjonali u impjiegi”, u li dan l-objettiv huwa previst ukoll fid-dokument ta’ riflessjoni mħejji f’April 2009 mill-Kummissarju ta’ dak iż-żmien Danuta Hübner u fl-istudju ta’ Fabrizio Barca dwar ir-riforma tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni;

49.   jaqbel mal-Kummissjoni li anke r-reġjuni li huma aktar b’saħħtihom mil-lat strutturali, u li llum il-ġurnata jagħmlu parti mit-tieni objettiv tal-Fondi Strutturali “kompetittività reġjonali u impjiegi”, iridu jżidu l-investimenti tagħhom fil-kreattività u l-innovazzjoni u jħaffu l-applikazzjoni tal-ideat ġodda fi prodotti, servizzi jew proċeduri ġodda;

50.   jassumi li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-koeżjoni territorjali li jinsabu fit-Trattat il-ġdid tal-UE, fil-futur l-aspett territorjali fil-politika ta’ koeżjoni ser isir aktar importanti. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea li, matul ir-riflessjoni tagħha dwar il-futur tal-politika ta’ koeżjoni, tqis l-400 kontribut li rċeviet matul il-konsultazzjoni dwar il-Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali (ara l-opinjoni tal-KtR). F’dan ir-rigward, ir-reġjuni għandhom jiddefinixxu l-aspetti li huma b’saħħithom fihom u jiżviluppaw strateġiji adatti għall-ħtiġijiet tagħhom. Fil-futur, l-iżvilupp territorjali ser jibqa’ fost il-kompetenzi tal-Istati Membri tal-UE u għandu jiġi kkunsidrat it-tqassim tal-kompetenzi fi ħdanhom. L-involviment tal-livell reġjonali u lokali għandu jiggarantixxi żvilupp territorjali bbażat fuq l-implimentazzjoni u magħqud f’perspettiva prattika u spazjali, u għandu jiggarantixxi wkoll użu aktar effiċjenti tal-fondi;

51.   huwa favur li tinżamm id-dimensjoni urbana fil-qafas tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni. Il-bliet huma, bħar-reġjuni metropolitani, muturi importanti għat-tkabbir u l-innovazzjoni. Madankollu, sabiex jassumu din il-funzjoni jeħtieġ li fil-futur jittieħdu miżuri għall-istabilizzazzjoni soċjali u ekonomika tal-bliet u taż-żoni urbani li għandhom il-problemi, b’mod partikolari fir-reġjuni l-inqas żviluppati tal-UE. Il-bliet u r-reġjuni metropolitani huma wkoll fatturi ta’ tixrid tal-proċessi ta’ żvilupp fiż-żoni ta’ madwarhom. Barra minn hekk, huma jiggarantixxu l-aċċess għall-għarfien, għas-servizzi u għall-oġġetti f’livell adatt. L-iżvilupp tal-politika urbana għandha tkun ibbażata fuq l-appoġġ ta’ fatturi endoġeniċi għall-iżvilupp taż-żoni urbani kif ukoll fuq it-tisħiħ tar-rabtiet u l-ftehimiet bejn iċ-ċentri urbani;

52.   jissuġġerixxi li l-politika ta’ koeżjoni tqis iktar kif iż-żoni urbani u rurali f’żoni ekonomiċi miftuħa huma interrelatati. Il-politika ta’ koeżjoni tinsab f’qagħda li toffri approċċ ta’ żvilupp integrat li jista’ jindirizza kwistjonijiet fi ħdan id-diversi kombinazzjonijiet ta’ żoni urbani u rurali u bejniethom. Għalhekk, hemm bżonn ta’ iktar koordinazzjoni bejn l-għanijiet u l-istrumenti tal-Fondi Strutturali Ewropej u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Peress li l-problemi tar-reġjuni huma speċifiċi għal kull reġjun, il-Kumitat iħeġġeġ li kull reġjun jiddefinixxi l-objettivi u l-miżuri tiegħu fi ħdan limiti partikolari sabiex ikun jista’ jmexxi l-iżvilupp tiegħu bil-għajnuna tar-riżorsi tal-UE;

53.   huwa tal-fehma li għandha tingħata importanza wkoll lill-appoġġ taż-żoni rurali kif ukoll lir-rwol tal-bliet żgħar u medji li jinsabu fiż-żoni rurali. B’hekk biss jistgħu jiġu indirizzati d-defiċits strutturali u t-tendenzi tal-emigrazzjoni kif ukoll it-tixjiħ demografiku f’ħafna żoni rurali tal-Unjoni Ewropea. Hawnhekk tinħtieġ koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-objettivi u l-istrumenti tal-Fondi Strutturali Ewropej u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

54.   fl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-koeżjoni territorjali li introduċa t-Trattat ta’ Lisbona, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni milquta minn bidla industrijali u liż-żoni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi serji u fit-tul, pereżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa ħafna, ir-reġjuni insulari, ir-reġjuni tal-fruntieri, ir-reġjuni muntanjużiu r-reġjuni ultraperifiċi;

55.   jenfasizza li l-appoġġ li ngħata s’issa għall-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali permezz tat-tielet objettiv tal-Fondi Strutturali “kooperazzjoni territorjali Ewropea” kien ta’ suċċess u għandu jinżamm u jissaħħaħ wara l-2013. Il-kooperazzjoni territorjali tagħti kontribut indispensabbli għat-tisħiħ tal-effiċjenza tal-Unjoni Ewropea u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u fuq kollox territorjali tagħha, billi tisfrutta l-potenzjal addizzjonali li jirriżulta min-netwerking bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali. F’dan il-kuntest, fil-futur il-programmi bħall-ESPON, reġjuni għall-bidla ekonomika jew URBACT għandhom jinġabru flimkien bl-isem “miżuri orizzontali tal-kooperazzjoni territorjali”, u jkunu ta’ benefiċċju għat-tliet forom ta’ kooperazzjoni. Fir-rigward tar-reġjuni tal-fruntieri, dawk kollha li jissodisfaw il-kundizzjoni li jikkontribwixxu għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għandhom ikomplu jibqgħu jkunu eliġibbli għall-għajnuna fil-qafas tal-Objettiv tal-Koeżjoni Territorjali;

56.   f’dan il-kuntest ifaħħar il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jinħoloq ir-Raggruppament Ewropew għall-Kooperazzjoni Territorjali (REKT), u jappella lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw aktar minn qatt qabel dan l-istrument fl-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni territorjali, u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-anomaliji fir-regoli attwali, bħal dawk transkonfinali li jheddu l-ħolqien ta’ żoni funzjonali ta’ kooperazzjoni marittima bejn ir-reġjuni (minħabba l-limitu ta’ 150 km fir-regoli) u tiddeskrivi b’mod aktar preċiż ukoll ir-rwol tal-makroreġjuni u l-istrateġiji tematiċi meta tfassal il-kooperazzjoni territorjali għall-ġejjieni. Hawnhekk għandu jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti aktar fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji;

57.   huwa favur li tiġi analizzata l-proposta ta’ Fabrizio Barca li fil-perijodu ta’ finanzjament li jmiss tiġi allokata parti iżgħar mill-baġit tal-politika ta’ koeżjoni għall-miżuri innovattivi li jiġu mmaniġġjati direttament mill-Kummissjoni Ewropea, sabiex b’hekk jiġu promossi l-approċċi innovattivi tal-politika reġjonali fil-livell Komunitarju;

Is-sistema ta’ implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni

58.   huwa tal-fehma li r-responsabbiltà deċentralizzata tar-reġjuni – inkorporata f’sistema ta’ kooperazzjoni u sħubija mal-livelli superjuri ta’ gvern – għat-tfassil tal-programmi operattivi abbażi tal-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali u għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi kienet ta’ suċċess matul diversi perijodi ta’ programmar. Għaldaqstant, fil-futur is-sistema tal-amministrazzjoni kondiviża tar-riżorsi, flimkien mal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni fil-livell reġjonali, għandha tinżamm. F’dan il-kuntest għandhom jissaħħu l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Fil-livell reġjonali u lokali, b’mod partikolari, jista’ jiġi sfruttat il-potenzjal disponibbli ta’ żvilupp, u l-atturi lokali u reġjonali jistgħu jitħeġġu jieħdu azzjoni u jibnu n-netwerks bejniethom;

59.   għalhekk, m’għandux l-iċken dubju li għandhom jinżammu l-kompetenzi reġjonali fil-politika strutturali Ewropea u ma jaqbilx assolutament li l-responsabbiltà tal-għażla tal-proġetti tiġi ttrasferita għal-livell Ewropew;

60.   itenni li l-isforzi biex titnaqqas il-burokrazija u biex jiġu ssemplifikati l-proċeduri għandhom jibqgħu jsiru u jiżdiedu, u jipproponi li matul il-perijodu ta’ finanzjament attwali l-konklużjonijiet tal-grupp ta’ ħidma dwar is-semplifikazzjoni amministrattiva għandhom jitqiesu fit-tfassil tal-proċeduri amministrattivi futuri u li l-Kumitat tar-Reġjuni għandu jiġi involut minn kmieni fit-tfassil ta’ dawn il-proċeduri. Proċeduri eħfef u aktar trasparenti huma kondizzjoni importanti għall-użu effiċjenti tar-riżorsi;

61.   jemmen ukoll li għandu jiġi kkunsidrat jekk partijiet oħra tal-politika Ewropea tal-għajnuna li s’issa ġew amministrati mill-Kummissjoni tal-UE, pereżempju fil-qasam tal-għajnuna għall-innovazzjoni, għandhomx jiġu trasferiti għas-sistema deċentralizzata tal-Fondi Strutturali tal-UE u jagħmlu parti mill-kompetenza tal-awtoritajiet reġjonali, aktar u aktar billi llum il-ġurnata l-appoġġ għall-innovazzjoni diġà huwa komponent bażiku mill-programm tal-Fondi Strutturali tal-UE. Ir-reġjuni qed jikkunsidraw, min-naħa tagħhom, il-kunċetti ta’ żvilupp lokali tal-bliet u s-sottoreġjuni fit-tfassil tal-istrateġiji ta’ żvilupp reġjonali tagħhom u qed iħeġġu lill-atturi reġjonali u lokali mhux governattivi jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-programmi. B’hekk il-livell sottoreġjonali qed jiġi involut ukoll b’mod attiv fl-implimentazzjoni tal-politika strutturali tal-UE;

62.   jenfasizza l-fatt li fl-aħħar snin l-awtoritajiet lokali u reġjonali ġabru bosta esperjenzi, normalment pożittivi, b’rabta mal-kunċetti ta’ żvilupp, mal-istabbiliment ta’ ġestjoni reġjonali fis-sottoreġjuni u mal-kunċetti integrati ta’ żvilupp urban. Dan l-aħħar, dawn kollha nġabru flimkien mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali bl-isem “metodi ta’ żvilupp lokali”. Dawn l-esperjenzi diġà ġew integrati fil-programmi operattivi tal-perijodi 2000-2006 u 2007-2013 u fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi;

63.   jaħseb li, permezz tas-sistema ta’ politika ta’ għajnuna multiannwali, ibbażata fuq il-prijoritajiet Ewropej komuni u fl-istess ħin iffokata fuq strateġija ta’ żvilupp reġjonali, u implimentata fil-livell reġjonali, il-Fondi Strutturali tal-UE jistgħu jirrappreżentaw valur miżjud meta mqabbla mal-politika reġjonali nazzjonali. In-natura multiannwali tal-ipprogrammar toffri qafas affidabbli għall-partijiet ikkonċernati kollha u tippermetti, b’mod partikolari, li jitnedew approċċi politiċi innovattivi. Tiggarantixxi li l-politika strutturali tiffoka fuq l-objettivi u l-prijoritajiet strateġiċi, u tevita l-periklu li jkun hemm politika ta’ għajnuna għal perijodu qasir ta’ żmien jew politika li fiha azzjoni tittieħed sempliċement biex tkun ittieħdet azzjoni u b’hekk jinżammu strutturi antiki. Il-programmi ta’ seba’ snin, li bdew jintużaw fl-2000, kienu ta’ suċċess. Il-ċiklu tal-programmi m’għandu bl-ebda mod jitqassar. Il-politika reġjonali hija parti importanti mill-politika Komunitarja u għandna nopponu kwalunkwe tentattiv ta’ rinazzjonalizzazzjoni;

64.   jilqa’ bis-sħiħ il-kultura tal-valutazzjoni li permezz tal-Fondi Strutturali tal-UE qed tiddaħħal dejjem aktar fil-politiki ta’ għajnuna tar-reġjuni kollha, u li tippermetti żieda kontinwa fil-kwalità tal-istrateġiji u l-istrumenti. L-involviment tar-reġjuni kollha fl-appoġġ mogħti mill-Fondi Strutturali Ewropej jiggarantixxi l-iskambju tal-fehmiet bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-Ewropa kollha, u l-possibbiltà li jinsiltu t-tagħlimiet mill-eżempji tal-aħjar prattika. Fl-istess waqt, dan il-proċess joffri bażi wiesgħa u solida sabiex il-politika strutturali Ewropea tkompli tikber;

Ir-rwol futur tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-Kumitat tar-Reġjuni

65.   jinnota b’ton kritiku t-tendenza dejjem tikber li l-programmi tal-Fondi Strutturali jiġu implimentati fil-livell nazzjonali, u għalhekk jipproponi li jsiru rapporti b’mod regolari dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni fil-qafas tar-rapporti ta’ progress dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u f’dan ir-rigward jiġbed l-attenzjoni għall-ħidmiet tal-Pjattaforma għall-Monitoraġġ ta’ Lisbona tal-Kumitat tar-Reġjuni;

66.   jenfasizza l-ħtieġa li, b’konformità mas-sussidjarjetà u l-prossimità maċ-ċittadini, ikompli jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni;

67.   jipproponi wkoll li l-Kumitat tar-Reġjuni jkompli jintuża bħala msieħeb sabiex tinbeda kooperazzjoni bikrija u komprensiva mal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-livell Ewropew b’rabta mat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tal-ġejjieni;

Konklużjonijiet

68.   flimkien mal-objettiv li jiġi promoss l-iżvilupp armonjuż tal-Unjoni Ewropea u jitnaqqsu d-differenzi fil-livell ta’ żvilupp bejn id-diversi reġjuni u d-dewmien fl-iżvilupp ta’ dawk li huma l-inqas avvanzati, il-koeżjoni ekonomika, soċjali territorjali hija komponent ċentrali tal-mudell tal-integrazzjoni Ewropea, li kompla jissaħħaħ permezz tat-Trattat ta’ Lisbona u sabiex jinkiseb dan l-għan jeħtieġ li jitkompla anke wara l-2013;

69.   bl-approċċ deċentralizzat u bis-sistema ta’ governanza f’diversi livelli, il-politika ta’ koeżjoni hija l-unika politika tal-Unjoni Ewropea li tgħaqqad l-objettivi tal-Istrateġija EWROPA 2020 u l-isfidi l-ġodda mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Għalhekk, huwa mitlub li l-politika ta’ koeżjoni tkompli tiffoka fuq l-objettivi tat-tkabbir sostenibbli, l-inklużjoni soċjali, l-impjiegi u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-politika ta’ koeżjoni tgħaqqad il-livelli differenti ta’ gvern u ssaħħaħ id-dimensjoni lokali u reġjonali. Hawnhekk is-seba’ inizjattivi prominenti msemmija fl-Istrateġija EWROPA 2020 għandhom jitqiesu bħala miżuri addizzjonali u komplementari;

70.   barra minn dan, il-politika ta’ koeżjoni għandha tkompli tiffoka l-parti l-kbira tar-riżorsi tagħha fuq l-Istati Membri u r-reġjuni tal-Unjoni Ewropea l-aktar li għandhom bżonn u l-aktar li għandhom problemi, bil-għan li tgħin biex jingħelbu d-differenzi fl-iżvilupp u b’hekk tagħti kontribut konkret għall-opportunitajiet indaqs bejn ir-reġjuni u għas-solidarjetà Ewropea. Il-kriterji użati għall-identifikazzjoni tal-oqsma li għandhom bżonn l-appoġġ kienu ta’ suċċess;

71.   anke r-reġjuni li għaddejjin minn tranżizzjoni għandhom bżonn għajnuna partikolari sabiex it-twaqqif tal-għajnuna ma jipperikolax is-suċċess li nkiseb permezz tal-Fondi Strutturali. Il-fatt li l-interventi Ewropej huma għat-tul għandu jiggarantixxi l-iżvilupp f’dawn ir-reġjuni u jirreaġixxi għas-sitwazzjoni partikolari tagħhom;

72.   l-objettiv tal-“kompetittività reġjonali u impjiegi” għandu jkompli jgħin lir-reġjuni l-oħra kollha tal-Unjoni Ewropea jsaħħu, fuq kollox, l-innovazzjoni, il-koeżjoni soċjali u l-kompetittività tagħhom;

73.   fid-dawl tal-valur miżjud għoli tagħha, fil-futur il-kooperazzjoni territorjali għandha tinżamm bħala objettiv għalih waħdu sabiex tappoġġja l-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali, b’mod partikolari bil-għan li tagħti kontribut attiv għall-koeżjoni territorjali fl-Unjoni Ewropea;

74.   il-politika ta’ koeżjoni tista’ toffri wkoll il-possibbiltà li jiġu żviluppati approċċi innovattivi ġodda fil-politika reġjonali. Għalhekk tista’ tiġi studjata l-possibbiltà li fil-futur parti żgħira mir-riżorsi tal-Kummissjoni Ewropea tiġi allokata għall-appoġġ tal-miżuri innovattivi;

75.   il-prinċipji attwali tal-politika ta’ koeżjoni rigward is-sistema ta’ governanza f’diversi livelli, l-ipprogrammar multiannwali, is-sħubija, l-enfasi fuq l-isforz, il-kontroll tal-programmi abbażi ta’ indikaturi u l-valutazzjoni rnexxew. Għaldaqstant, il-perijodu ta’ seba’ snin tal-ipprogrammar m’għandux jitnaqqas;

76.   is-sistema attwali tal-ġestjoni tar-riżorsi hija komplikata wisq u suxxettibbli għall-iżbalji. Għalhekk għandu jkun l-objettiv komuni tal-partijiet ikkonċernati kollha li titnaqqas ir-rata ta’ żbalji u jiġu ssemplifikati l-ġestjoni tar-riżorsi u l-proċeduri tal-ħlas u tal-kontroll. F’dan il-kuntest għandhom jinsabu aktar minn qatt qabel soluzzjonijiet li huma adatti għas-sitwazzjoni nazzjonali billi jiġi applikat fil-prattika il-prinċipju tal-proporzjonalità;

77.   l-approċċ ibbażat fuq is-sussidjarjetà tal-politika ta’ koeżjoni għandu jinżamm u jkompli jiġi żviluppat. Għal dan il-għan, l-ewwel u qabel kollox għandu jkompli jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-fażijiet kollha tal-ipprogrammar, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni;

78.   ir-riżultati miksuba fil-livell lokali u reġjonali għandhom jaqdu rwol aktar ċentrali minn qabel fil-valutazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja l-isforzi kollha sabiex l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tikkonforma ma’ din il-premessa.

Brussell, 15 ta’ April 2010

L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


27.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/23


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Baħar Baltiku”

(2010/C 232/04)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

1.   L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku (COM(2009) 248 finali) hija dokument importanti mill-perspettiva tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea. Hija toħloq qafas għall-kooperazzjoni reġjonali fil-Baltiku iżda fl-istess waqt twitti t-triq għall-ħolqien ta’ makroreġjuni fl-UE. It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea ħeġġeġ it-tendenza politika tal-ħolqien tal-makroreġjuni. L-Istati Membri li ġeografikament huma qrib għandhom sfidi u għanijiet komuni li jindirizzawhom billi jfitxxu soluzzjonijiet permezz tal-kooperazzjoni reġjonali.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li filwaqt li r-Reġjun tal-Baħar Baltiku huwa żona eteroġena ħafna, il-pajjiżi kkonċernati għandhom ħafna interessi komuni u jiddependu minn xulxin f’diversi oqsma. Hija tosserva wkoll li r-Reġjun tal-Baħar Baltiku jista’ jkun mudell ta’ kooperazzjoni reġjonali fejn ideat u approċċi ġodda jistgħu jiġu ttestjati u żviluppati matul iż-żmien bħala eżempji tal-aħjar prassi. Il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jirrimarka li l-istrateġija għandha tappoġġja l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE. Jeżistu differenzi kbar fil-livell reġjonali u sottoreġjonali fir-rigward tas-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura.

3.   L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku hija primarjament kwistjoni tal-politika interna tal-UE li tkopri azzjonijiet li huma kemm fil-kompetenza tal-UE kif ukoll oħrajn li mhumiex. L-għan tal-implimentazzjoni tal-istrateġija huwa li jiġu promossi koordinazzjoni tal-politika u leġiżlazzjoni iktar effettivi permezz ta’ approċċ integrat.

4.   Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistqarr li “L-ingredjenti ewlenin huma koordinazzjoni aħjar u użu iktar strateġiku tal-programmi Komunitarji, speċjalment fi żminijiet ta’ kriżi, biex jiżguraw li l-fondi u l-politiki fir-reġjun jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-istrateġija.” Ġie enfasizzat ħafna drabi li l-istrateġija għandha ġġib valur miżjud fl-UE. Il-qafas finanzjarju u legali attwali wkoll jipprovdi opportunitajiet kbar għal azzjoni effettiva permezz ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni iktar mill-qrib.

5.   L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku hija dokument importanti mhux biss għall-Baltiku iżda anki għall-makroreġjuni emerġenti fl-Ewropa. Ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku huwa żona pilota għall-formazzjoni tal-makroreġjuni fl-UE. Is-soluzzjonijiet li jinkisbu fil-Baltiku għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija ser iservu ta’ mudelli u joħolqu prattika tajba għal makroreġjuni potenzjali oħra. Il-partijiet interessati reġjonali u lokali fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku ser jistabbilixxu l-prattiki għar-reġjuni l-oħra tal-Ewropa. Pereżempju, il-Kummissjoni bħalissa qiegħda tħejji dokument ta’ strateġija għar-reġjun tad-Danubju. Fl-istess ħin għaddejjin diskussjonijiet simili dwar il-bżonn ta’ dokumenti strateġiċi simili għal makroreġjuni oħra.

6.   Il-ħolqien tal-makroreġjuni fl-EU mhijiex kwistjoni sempliċi. Mil-lat tal-komunitajiet reġjonali u lokali hemm bżonn li tissaħħaħ u tinfirex il-kooperazzjoni ta’ bejniethom sabiex tħaddan il-bosta żoni ta’ politika tal-UE u tolqot bosta oqsma ta’ politika. Il-makroreġjuni għandhom jibqgħu strument ta’ kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, l-Istati Membri u l-Unjoni u m’għandhomx jevolvu f’livell istituzzjonali ġdid bejn l-UE u l-Istati Membri. Il-makroreġjuni ser iġibu valur miżjud fl-integrazzjoni Ewropea dejjem jekk jirnexxilhom iżidu l-kooperazzjoni bejn il-livelli nazzjonali, lokali u reġjonali li twassal għal politika tal-UE iktar effettiva.

7.   Skont il-komunikazzjoni, il-firxa tal-makroreġjuni tvarja skont it-tema. Essenzjalment hija strateġija interna tal-UE li tkopri tmien Stati Membri. Iżda l-komunikazzjoni tgħid ukoll li hemm bżonn ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u r-Russja sabiex jiġu indirizzati l-bosta sfidi reġjonali. Il-Kumitat tar-Reġjuni jenfasizza li n-Norveġja hija sieħeb mhux membru tal-UE importanti wkoll fir-Reġjuni tal-Baħar Baltiku. Hemm bżonn ukoll ta’ kooperazzjoni kostruttiva man-Norveġja u l-Belarus.

Id-dimensjoni esterna

8.   Minkejja li l-istrateġiji reġjonali huma strateġiji interni tal-UE, huma jistgħu jkunu importanti għall-istati li mhumiex membri fl-UE u li jinsabu fil-fruntieri tal-makroreġjuni. Hemm żewġ stati fil-Baltiku li jmissu mar-Reġjun tal-Baħar Baltiku: in-Norveġja u r-Russja. In-Norveġja diġà għandha rabta mar-Reġjun tal-Baħar Baltiku permezz tal-Ftehim ŻEE. Il-fethim jorbot lin-Norveġja mas-suq intern tal-UE. Il-pożizzjoni tan-Norveġja mhux ser tinbidel f’dan ir-rigward. Madanakollu, l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tinkludi oqsma ta’ politika li mhumiex koperti mill-Ftehim ŻEE. Settur minnhom pereżempju huwa l-politika marittima tal-Unjoni Ewropea, li hija importanti ħafna għan-Norveġja u li fl-implimentazzjoni tagħha n-Norveġja taqdi rwol ċentrali.

9.   Il-pożizzjoni u r-relazzjoni tar-Russja mal-UE hija kwistjoni oħra. Din ir-relazzjoni hija mmexxija minn ftehimiet u programmi separati u msejsa fuq il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Federazzjoni Russa u l-UE u l-Istati Membri tagħha (1994). Barra minn hekk, hemm numru kbir ta’ ftehimiet bejn ir-Russja u l-UE dwar kwistjonijiet speċifiċi. Jeżisti wkoll mekkaniżmu għall-konsultazzjoni politika bejn il-partijiet. L-implimentazzjoni tal-ftehimiet ma avvanzatx kif kien mistenni u lanqas għadu ma kien possibbli jintlaħaq ftehim rivedut dwar il-kooperazzjoni u s-sħubija minkejja l-isforzi li saru sabiex dan iseħħ.

10.   Ir-relazzjoni bejn ir-Russja u l-UE fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku hija bbażata l-iktar fuq relazzjonijiet u programmi bilaterali.

11.   Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku tenfasizza l-politika tad-Dimensjoni tat-Tramuntana tal-UE. Hija tgħid li “… r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi għandhom isiru primarjament permezz tad-Dimensjoni tat-Tramuntana bil-possibilità li jintużaw mezzi oħra meta meħtieġa.”

12.   L-istrateġija politika tal-UE, id-Dimensjoni tat-Tramuntana, tikkomplementa l-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. Huwa permezz tad-Dimensjoni tat-Tramuntata li l-Islanda tagħmel parti mill-kooperazzjoni fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku.

13.   L-implimentazzjoni tal-istrateġija għandha tqis iktar il-kwistjonijiet relatati mad-dimensjoni esterna tal-istrateġija. L-ambitu tad-dimensjoni esterna tal-Baħar Baltiku għandu jitwessa’ biex jinkludi l-pajjiżi tal-Belarus u l-Ukraina. Sehem iktar mill-qrib ta’ dawn l-istati fl-implimentazzjoni tal-istrateġija jista’ jqarribhom iktar lejn il-valur Ewropej.

14.   L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tiddependi mill-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi. Pereżempju, fl-oqsma tal-kwistjonijiet ambjentali, it-trasport, il-loġistika u l-kwistjonijiet ta’ sigurtà nazzjonali hemm bżonn ta’ kooperazzjoni li tmur lil hinn mill-fruntieri esterni tal-UE. Il-politika tal-enerġija fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku hija qasam tal-politika tal-Baħar Baltiku li jmur lil hinn mill-fruntieri esterni tal-UE.

15.   L-implimentazzjoni prattika tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tieħu l-forma ta’ proġetti konkreti. Madankollu dan mhux bilfors jinvolvi rabtiet politiċi estensivi. Huwa preċiżament fil-kuntest tal-proġetti konkreti li teżisti opportunità li nuru l-benefiċċju reċiproku li jista’ jinkiseb, pereżempju jekk naħdmu mar-Russja.

16.   Ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali għandhom sehem importanti x’jaqdu fl-implimentazzjoni tad-dimensjoni interna u esterna tal-istrateġija. Ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali huma involuti f’numru kbir ta’ sħubijiet li jmorru lil hinn mill-fruntieri esterni tal-UE. Pereżempju, l-iskemi ta’ ġemellaġġ tal-bliet jipprovdu opportunità biex jiġu sfruttati diversi elementi tal-istrateġija. Sabiex l-istrateġija titmexxa ’l quddiem, l-UE u partijiet oħra fir-reġjun għandhom ifittxu u joħolqu mezzi ta’ kif isaħħu d-dimensjoni esterna tal-istrateġija sabiex itejbu l-implimentazzjoni tagħha.

17.   Il-programmi u l-istrumenti ta’ finanzjament normali tal-UE huma użati fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku. Sfida speċjali hija li dawn l-istrumenti jintużaw sabiex jaqdu l-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. Dan huwa iktar u iktar importanti peress li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tinkludix proposti dwar finanzjament jew riżorsi addizzjonali. Huwa importanti li jiġi żgurat li r-riżorsi attwali tal-UE li huma relevanti jintużaw bis-sħiħ issa u fil-perijodi ta’ programmazzjoni tal-ġejjieni sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-istrateġija.

18.   L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku hija mibnija – u għandha tkompli tinbena – fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Fi kliem ieħor, l-istrateġija għandha tiffoka primarjament fuq li tindirizza kwistjonijiet li ma jistgħux jissolvew b’mezzi nazzjonali jew lokali biss. Il-Komunikazzjoni tippreżenta l-prijoritajiet tal-istrateġija fil-forma ta’ erba’ kompiti prinċipali:

li tippermetti l-ħolqien ta’ ambjent sostenibbli

li ttejjeb il-prosperità tar-reġjuni

li ttejjeb l-aċċessibilità u l-attrazzjoni tar-reġjuni

li tiżgura s-sigurtà u s-sikurezza fir-reġjun.

19.   Għall-implimentazzjoni tal-istrateġija, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija akkumpanjata minn pjan ta’ azzjoni separat. Il-pjan ta’ azzjoni għandu tliet livelli. Huwa l-ewwel jidentifika l-erba’ pilastri li jikkorrispondu għall-erba’ sfidi prinċipali identifikati hawn fuq. Il-pilastri huma maqsuma fi ħmistax-il qasam ta’ prijorità li huma maqsuma fi 78 proġett ewlieni. L-oqsma ta’ prijorità intgħażlu mill-perspettiva tal-implimentazzjoni tal-istrateġija, jew fuq il-bażi tal-fatt li jippromovu l-ksib tal-għanijiet jew li jipprovdu opportunità li jiġu indirizzati l-isfidi prinċipali tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku. It-temi li jkopru huma ġenerali u ħafna drabi mifruxa sew. Mill-banda l-oħra, il-proġetti ewlenin huma konkreti u ta’ natura iktar prattika.

20.   Bħala parti mit-tħejjija għall-istrateġija l-Kummissjoni pparteċipat f’konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet interessati li kellhom tliet komponenti ewelenin: non-dokumenti minn gvernijiet u entitajiet uffiċjali oħra fir-reġjun; avvenimenti tal-partijiet interessati biex jippermettu lill-parteċipanti uffiċjali, l-NGOs u lill-parteċipanti mis-settur privat jikkontribwixxu bl-għarfien espert tagħhom; konsultazzjoni pubblika permezz tas-sit elettroniku Europa li fiha pparteċipaw numru kbir ta’ partijiet interessati mir-Reġjun tal-Baħar Baltiku.

21.   B’kollox ipparteċipaw 109 gruppi tal-partijiet interessati fil-proċess ta’ konsultazzjoni, fosthom it-tmien Stati Membri tar-reġjun u t-tliet Stati li ma jagħmlux parti mill-UE (ir-Russja, in-Norveġja u l-Belarus). Barra minn hekk, 48 organizzazzjoni intergovernattiva, 31 awtorità reġjonali u lokali u 19-il rappreżentat mis-settur privat taw il-fehma tagħhom. Il-proċess ta’ konsultazzjoni wassal għal numru kbir ta’ ideat u proposti mill-partijiet interessati reġjonali dwar it-tħejjija tal-istrateġija.

22.   Il-partijiet li pparteċipaw fil-proċess ta’ konsultazzjoni, b’mod partikolari r-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom jingħataw opportunità kontinwa li jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-istrateġija. Il-Kumitat tar-Reġjuni jħoss li hemm bżonn li tingħata attenzjoni serja lill-evalwazzjoni u s-segwitu tal-Komunikazzjoni u l-pjan ta’ azzjoni tagħha. Il-proposta tal-Komunikazzjoni li jsir forum annwali hija tajba iżda mhix biżżejjed. Il-Kumitat jemmen li l-evalwazzjoni trid tkun kontinwa u għandha tinfetaħ għall-partijiet kollha li jixtiequ jipparteċipaw.

23.   Fuq il-bażi tal-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li mhemmx bżonn ta’ istituzzjonijiet ġodda għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. Hemm numru ta’ skemi ta’ kooperazzjoni fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku u għalhekk m’hemmx raġuni għalfejn għandhom jinħolqu oħrajn ġodda li jistgħu jżidu l-ispejjeż amministrattivi mingħajr ma jikkontribwixxu għal azzjoni effettiva. Jeżistu mijiet ta’ organizzazzjonijiet u netwerks differenti fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku. Ħafna minn dawn ġew stabbiliti fil-bidu tad-disgħinijiet wara li spiċċat il-gwerra l-bierda sabiex jgħinu l-istati li xtaqu jissieħbu fl-UE jadattaw għall-kooperazzjoni Ewropea.

24.   Minkejja n-numru kbir ta’ organizzazzjonijiet u netwerks fir-reġjun, ħafna minnhom tilfu l-iskop tagħhom u ma kienx baqa’ bżonnhom wara t-tkabbir tal-2004. L-organizzazzjonijiet li twaqqfu oriġinarjament sabiex jippromovu s-sħubija mhux dejjem irnexxielhom isibu rwol jew kompiti ġodda. L-Istrateġija tal-Baħar Baltiku u l-implimentazzjoni tagħha jistgħu joffru kompiti ġodda għal organizzazzjonijiet bħal dawn. Hemm bżonn li l-partijiet interessati kollha li flimkien jikkunsidraw u jevalwaw sa liema punt in-netwerk ikkonċernat huwa adegwat għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku.

25.   Sabiex l-organizzazzjonijiet u n-netwerks isiru attivi hemm bżonn ta’ kampanja estensiva ta’ informazzjoni u komunikazzjoni dwar il-kontenut tal-istrateġija u l-opportunitajiet li toffri. Il-Kummissjoni ma tiġbidx attenzjoni għal dan l-aspett fil-proposta tagħha. Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrakkomanda li r-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea fl-Istati Membri jintalbu jorganizzaw attivitajiet ta’ informazzjoni li jkunu estensivi u mifruxa biżżejjed.

26.   Madanakollu, il-Kumitat jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali żdiedet wara t-tkabbir u l-organizzazzjonijiet u n-netwerks li waqqfu saru iktar attivi. Dawn il-gruppi wrew interess konsiderevoli matul il-proċess ta’ konsultazzjoni u l-pożizzjonijiet li ressqu ħafna drabi ġew preparati sew.

27.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tgħid ukoll dan li ġej: “Mhux strateġija biss. Għandu jkun hemm azzjonijiet – azzjonijiet konkreti u viżibbli – biex jingħelbu l-isfidi li qed jiffaċċja r-reġjun. Fil-pjan ta’ azzjoni tagħha, għalhekk, il-Kummissjoni tinsisti li l-Istati Membri u partijiet interessati oħra jieħdu responsabbiltà bħala sħab għal oqsma speċifiċi ta’ prijorità u proġetti ewlenin …”

28.   Il-Kumitat tar-Reġjuni jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din ix-xewqa ma ġietx issodisfata matul l-ewwel stadju ta’ approvazzjoni tal-istrateġija. Fil-pjan ta’ azzjoni r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-oqsma ta’ prijorità ngħatat primarjament lill-Istati Membri. Wieħed biss mill-ħmistax-il qasam ta’ prijorità ġie allokat lil-livell reġjonali. Dan jikkonċerna l-iżvilupp tal-politika tat-turiżmu reġjonali, li r-responsabbiltà tal-koordinazzjoni tagħha ngħatat lil-Land ta’ Mecklenburg-Vorpommern. Fl-istess qasam ta’ prijorità, ir-responsabbiltà għall-promozzjoni tas-saħħa ngħatat lis-sħubija fil-qasam tas-saħħa u l-benesseri soċjali stabbilita fid-Dimensjoni tat-Tramuntana (Northern Dimension Partnership in Public Health and Social Well-Being – NDPHS). L-għan huwa li l-implimentazzjoni tal-oqsma prijoritarji ssir f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni.

29.   Meta ġiet adottata l-Komunikazzjoni, ir-reġjuni ma ġewx allokati rwol ta’ tmexxija fil-proġetti ewlenin (78). Il-proġetti ewlenin huma preċiżament il-proġetti li fihom ir-reġjuni jistgħu jaqdu rwol konsiderevoli. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa tal-fehma li meta fil-futur jittieħdu deċiżjonijiet dwar proġetti ewlenin, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali għandhom jingħataw l-opportunità li jaqdu rwol attiv fl-implimentazzjoni tagħhom.

L-implimentazzjoni tal-istrateġija

30.   Il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota li l-Komunikazzjoni ftit li xejn tagħti attenzjoni lid-deskrizzjoni tal-proċess ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija. L-Istrateġija tal-Baħar Baltiku hija strateġija pilota għal tip ġdid ta’ kooperazzjoni makroreġjonali li fost l-elementi prinċipali tagħha nsibu l-parteċipazzjoni f’diversi livelli tal-gvern u azzjoni koordinata. Il-Kumitat tar-Reġjuni jħeġġeġ lill-Kummissjoni tpoġġi enfasi speċjali fuq li tappoġġja implimentazzjoni u governanza flessibbli iżda mmirati tal-istrateġija.

31.   Il-Komunikazzjoni tistabbilixxi approċċ ta’ tliet livelli għall-implimentazzjoni, li b’mod ġenerali jikkonforma mal-mudell tal-governanza f’diversi livelli. L-approċċ ippreżentat jikkonforma mal-metodu Komunitarju li jintuża fl-Unjoni Ewropea. Il-proposta torbot l-implimentazzjoni mal-proċedura stabbilita tal-UE. Il-Kunsill ingħata r-responsabbiltà għall-iżvilupp tal-politika fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. Huwa wkoll il-kompitu tal-Kummissjoni li tipprovdi lill-Kunsill b’rapporti regolari dwar il-progress tal-istrateġija. Il-Kumitat tar-Reġjuni jemmen li huwa importanti li napplikaw il-metodu Komunitarju sabiex jiġi żgurat li l-governanza f’diversi livelli tiġi implimentata. B’hekk jiġi żgurat li l-livell reġjonali u lokali jieħu sehem fl-implimentazzjoni tal-istrateġija.

32.   B’konformità mal-approċċ tal-governanza f’diversi livelli, il-Kummissjoni taqdi rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. Il-Kummissjoni se tkun responsabbli “għall-koordinazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rapportaġġ, il-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni u l-aġġornament. Fi sħubija mal-partijiet interessati fir-reġjun, hi għandha tħejji rapporti ta’ progress regolari, u tuża s-saħħa tal-inizjattiva tagħha li tagħmel proposti għall-adattazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni fejn dawn huma meħtieġa. Il-koordinazzjoni għandha żżomm kont ta’ kif l-użu ta’ dawn il-fondi qed jikkontribwixxi għall-prioritajiet ta’ din l-istrateġija.”

33.   Il-Komunikazzjoni ma fihiex proposti dwar kif tista’ tiġi organizzata l-ħidma tal-Kummissjoni b’rabta mal-implimentazzjoni tal-istrateġija. Il-punt tat-tluq huwa li “L-awtoritajiet ta’ programmar jistgħu jirrevedu l-kriterji ta’ allokazzjoni u jiffaċilitaw l-għażla ta’ proġetti konformi mal-istrateġija. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tilqa’ modifiki xierqa tal-programmi meta meħtieġa.” Hemm il-periklu li fid-dawl tal-bosta oqsma ta’ responsabbiltà tal-Kummissjoni ma jiġux allokati biżżejjed riżorsi fil-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. Ikun utli li jitwaqqfu gruppi multisettorjali ta’ uffiċjali fil-Kummissjoni – fuq il-mudell ta’ task force – sabiex imexxu l-ħidma relatata mal-istrateġija. Il-Kummissjoni tant għandha rwol kruċjali x’taqdi fl-implimentazzjoni tal-istrateġija li għandha tiġi allokata biżżejjed riżorsi għall-ippjanar, il-monitoraġġ, il-koordinazzjoni u r-rapportaġġ.

34.   It-tielet livell tal-implimentazzjoni jiġbor fih “l-imsieħba”. Il-livell tal-implimentazzjoni prattika huwa fundamentali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. Id-dokument tal-Kummissjoni jipprovdi biss deskrizzjoni ħafifa ta’ dan il-livell. L-idea hi li l-implimentazzjoni prattika u l-korpi ta’ implimentazzjoni jikkonformaw mal-għanijiet tal-istrateġija. F’dan il-qasam ir-rwol tal-Kummissjoni huwa kruċjali wkoll: “Il-Kummissjoni se taħdem bi sħab mal-istituzzjonijiet, l-Istati Membri u r-reġjuni l-oħra, l-istituzzjonijiet internazzjonali tal-iffinanzjar, l-entitajiet tal-programmar transnazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħal HELCOM biex tidentifka l-entitajiet ta’ koordinazzjoni fil-livell ta’ oqsma ta’ prijorità u tmexxi l-isħab għal proġetti ewlenin.”

35.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiddefinixxi makroreġjun bħala “żona li tkopri għadd ta’ reġjuni amministrattivi iżda b’biżżejjed kwistjonijiet komuni biex jiġi ġġustifikat approċċ strateġiku wieħed”. Id-definizzjoni tirreferi għar-reġjuni amministrattivi iktar milli għall-pajjiżi; dan jimplika li l-partijiet tal-gvernijiet reġjonali u lokali huma fuq l-istess livell tal-gvernijiet nazzjonali, peress li jikkostitwixxu l-bażi tar-reġjun. Il-Kumitat tar-Reġjuni huwa tal-fehma li l-partijiet reġjonali u lokali għandhom jingħataw rwol prominenti f’dan il-proċess. Il-partijiet reġjonali u lokali jiffurmaw il-livell l-iktar qrib taċ-ċittadini. Il-kontribut viżibbli tagħhom jista’ jqarreb l-istrateġija lejn iċ-ċittadini, rekwiżit importanti ħafna sabiex tirnexxi. Il-prossimità u l-leġittimità assoċjati magħha huma sine qua non għas-suċċess tal-istrateġija. Dawn il-prinċipji l-aħjar li jiġu applikati bi sħab mal-atturi fil-livell reġjonali u lokali.

36.   Il-livell lokali u reġjonali għandu għarfien tajjeb tal-kundizzjonijiet u l-bżonnijiet tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku. L-atturi fil-livell reġjonali u lokali għandhom esperjenza twila u effettiva ta’ ħidma bejniethom u mal-NGOs. Ta’ min ifakkar ukoll li l-partijiet interessati lokali u reġjonali għandhom esperjenza twila wkoll fil-qasam tal-attività tripartitika mal-Kummissjoni Ewropea u l-gvernijiet tal-Istati Membri fil-ġestjoni tal-istrumenti u l-politiki finanzjarji tal-UE. Huma korpi kompetenti fir-rigward tal-politiki tal-UE inġenerali. Barra minn hekk, jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-atturi reġjonali u lokali wrew interess kbir u kienu involuti bis-sħiħ fil-konsultazzjonijiet li saru mal-partijiet interessati.

37.   Il-Kumitat tar-Reġjuni jispera li l-Kummissjoni tagħraf ir-rwol ċentrali u l-kapaċitajiet tal-atturi reġjonali u lokali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. Il-livell reġjonali u lokali għandu jingħata pożizzjoni ċentrali bħala parteċipant stabbilit fis-sistema ta’ governanza f’diversi livelli huma u jiġu identifikati u magħżula l-korpi ta’ tmexxija fil-livell tal-oqsma ta’ prijorità u l-imsieħba prominenti fil-proġetti ewlenin.

38.   Il-Kumitat tar-Reġjuni jinnota b’sodisfazzjon li fuq talba tal-Parlament Ewropew, fil-baġit tal-UE żdiedet approprjazzjoni li, għalkemm modesta fil-kuntest tal-bżonnijiet li jeżistu, hija l-ewwel pass importanti u jispera li l-ammont ser jiżdied fis-snin li ġejjin. Il-Kumitat jemmen li l-fondi għandhom ikunu mmirati b’mod partikolari sabiex itejbu l-kapaċitajiet u l-possibiltajiet tar-reġjuni u n-numri kbar ta’ gruppi ta’ partijiet interessati li joperaw fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku sabiex jipparteċipaw fit-titjib tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija.

39.   Il-Kumitat tar-Reġjuni jappoġġja l-idea ta’ forum annwali iżda ma jaħsibx li huwa biżżejjed mil-lat tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija. Mhuwiex biżżejjed li l-forum “jgħaqqad flimkien l-imsieħba li jinsabu mħassba dwar aspetti differenti tal-istrateġija, inklużi dawk minn pajjiżi terzi interessati, biex jiġi revedut u diskuss il-progress tal-istrateġija u biex isiru rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni.” Is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tirrikjedi wkoll monitoraġġ iktar espliċitu b’rabta mal-implimentazzjoni fil-prattika. Hawnhekk ta’ min iqis kif l-aħjar tiġi pprovduta informazzjoni dwar ir-riżultati tal-miżuri varji. Għandu jinstab ukoll mod għall-ġbir tad-data eżistenti dwar ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku bħala sostenn għall-kisba tal-objettivi stipulati fl-istrateġija.

40.   Fil-pjan ta’ azzjoni hemm bosta referenzi għall-importanza tal-impenn tal-partijiet interessati. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-istrateġija tirrikjedi impenn politiku sħiħ min-naħa tal-atturi interessati fir-reġjun. L-iżgurar u l-manteniment tal-impenn politiku huma kwistjonijiet fundamentali. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku qed tiġi ppubblikata f’kundizzjonijiet eċċezzjonali qalb reċessjoni globali serja

41.   Ir-reġjun ekonomiku tal-Baħar Baltiku huwa milqut sew mir-reċessjoni. Sa ftit żmien ilu r-reġjun ekonomiku tal-Baħar Baltiku kien l-iktar reġjun li kien qed jikber b’mod rapidu fl-Ewropa. F’Ġunju 2009, meta ġie ppubblikat il-pjan ta’ azzjoni, ir-reġjun kien wieħed minn fost dawk l-iktar milquta mill-kriżi. Il-kriżi tista’ tkun fattur li jħaffef l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni. L-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tista’ toffri ingredjenti ġodda sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika. Mill-banda l-oħra, il-pjan ta’ azzjoni li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni jikkunsidra li iskeda għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-istrateġija tista’ tieħu fit-tul minħabba l-kriżi fil-finanzi pubbliċi.

42.   Is-suppożizzjoni li l-partijiet interessati huma impenjati favur l-istrateġija hija bbażata fuq l-interess attiv li wrew fil-preparamenti għall-istrateġija. Il-gvernijiet tal-Istati Membri jinsabu f’pożizzjoni ewlenija fir-rigward tal-impenn. Il-gvernijiet jistabbilixxu l-għanijiet tal-istrateġija u jiddeċiedu dwar il-karatteristiċi ġenerali u l-prijoritajiet tagħha. Huma jaqdu rwol kruċjali wkoll biex joħolqu interess u impenn fost atturi oħra fir-reġjun. Permezz tad-deċiżjonijiet tagħhom, il-gvernijiet għandhom joħolqu kundizzjonijiet li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni attiva ta’ partijiet interessati oħra.

43.   Fir-reġjun tal-Baħar Baltiku twaqqfu istituzzjonijiet għall-kooperazzjoni intergovernattiva. Il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi Nordiċi, li bdiet fis-snin ħamsin għandha l-korpi tagħha, li huma l-Kunsill Nordiku u l-Kunsill Nordiku tal-Ministri. Istituzzjonijiet simili huma l-Kunsill Baltiku tal-Ministri u l-Kunsill Baltiku li twaqqfu bejn it-tliet Stati Baltiċi. Fl-1992 twaqqfu żewġ organizzazzjonijiet li jkopru r-reġjun tal-Baħar Baltiku kollu: il-Kunsill tal-Istati tal-Baħar Baltiku u korp simili għall-membri parlamentari, il-Konferenza Parlamentari tal-Baħar Baltiku.

44.   It-tisħiħ tal-kooperazzjoni intergovernattiva ma jeħtieġx it-twaqqif ta’ korpi ġodda. Hemm bżonn minflok li l-istituzzjonijiet li jeżistu jsiru iktar effettivi u jintużaw għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku. L-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tista’ tagħtihom qasam ġdid ta’ ħidma.

45.   Ir-rwol tat-tliet organizzazzjonijiet magħmula minn membri parlamentari tista’ sservi ta’ forum għall-politiċi sabiex jiddiskutu l-politika tal-Baħar Baltiku. Dan jista’ jżid l-interess tal-partijiet politiċi u tal-membri parlamentari fil-politika tal-Baħar Baltiku u l-impenn tagħhom lejha. Dan jista’ jkun fattur importanti ħafna mil-lat tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku.

46.   Barra minn hekk, organizzazzjonijiet u korpi oħra għall-kooperazzjoni fir-Reġjun tal-Baħar Baltiku huma lok potenzjali ieħor għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku u fuq kollox sabiex jiġi żgurat l-impenn tal-partijiet interessati lejha. L-Istrateġija tal-Baħar Baltiku tista’ terġa’ tagħti l-ħajja lill-ħidma tal-bosta organizzazzjonijiet li tilfu l-iskop tagħhom.

Brussell, 14 ta’ April 2010

L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCARCEL SISO


27.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/29


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Pjan ta’ azzjoni għall-mobbiltà urbana”

(2010/C 232/05)

I.   KUMMENTI ĠENERALI

Kuntest

1.   Fl-2008, il-Kumitat tar-Reġjuni (1) esprima ruħu dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea “Lejn kultura ġdida għall-mobbiltà urbana” (2). F’April 2009 fassal Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana (3) b’risposta għar-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew (4), li fih il-Kumitat tar-Reġjuni laqa’ l-bosta inizjattivi dwar il-mobbiltà urbana li ttieħdu fil-livell tal-UE.

2.   Il-Kumitat tar-Reġjuni ppromova mudell li bih il-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana jkunu implimentati permezz ta’ ftehimiet pubbliċi-pubbliċi/pubbliċi-privati sostenibbli fuq perijodu twil jew ta’ Ftehimiet ta’ Mobbiltà, u talab lill-Kummissjoni tistabbilixxi strument finanzjarju fil-qafas tal-Politika ta’ Koeżjoni, li jkun disponibbli għar-reġjuni u ż-żoni urbani direttament, sabiex tħeġġeġ liż-żoni urbani jfasslu pjani ta’ mobbiltà. It-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana għandhom ikunu f’idejn il-bliet stess.

3.   Il-Kummissjoni Ewropea ntalbet ukoll tagħti aktar valur lill-proċess billi tiffinanzja inċentivi, skemi ta’ għoti ta’ premji u skambju tal-aħjar prattika bl-ekwivalenti ta’ “Skema ta’ Bandiera Blu” għal żoni kostali ta’ kwalità tajba madwar l-Ewropa, li tingħata fuq il-bażi ta’ indikaturi speċifiċi lil żoni urbani b’livell baxx ta’ tniġġis u konġestjoni.

4.   jemmen li hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni fil-livell Ewropew, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtiġijiet tekniċi għall-vetturi (pereżempju r-riadattament ta’ vetturi eżistenti permezz ta’ filtri tal-partikuli tad-diesel), l-infrastruttura u s-servizzi tat-trasport, kif ukoll fir-rigward ta’ tikketti (pjanċi u baġġijiet) li permezz tagħhom il-vetturi li jilħqu l-istandards Ewropej relatati mal-emissjonijiet tal-gass u l-istorbju jkunu jistgħu jidħlu fiż-żoni ħodor

5.   Barra minn hekk, il-Kumitat tar-Reġjuni (5) esprima l-fehma li d-dimensjoni soċjali tal-mobbiltà urbana għandha tingħata aktar importanza, billi hija l-istrument li jippromovi kemm il-koeżjoni soċjali kif ukoll il-koeżjoni territorjali fiż-żoni urbani u periurbani.

6.   Il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana (6) li jipproponi għoxrin miżura biex wieħed iħeġġeġ u jgħin lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali sabiex jiksbu l-għanijiet tagħhom għal mobbiltà urbana sostenibbli. Għall-ewwel darba, qiegħed jiġi ppreżentat pakkett ta’ appoġġ komprensiv fil-qasam tal-mobbiltà urbana sostenibbli.

7.   L-azzjonijiet proposti mill-Kummissjoni għandhom jitnedew fl-erba’ snin wara l-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, iżda l-Kummissjoni Ewropea ser twettaq valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-2012 u wara ser tevalwa l-bżonn għal azzjoni supplimentari.

Kummenti dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Mobbiltà Urbana

8.   Il-Kumitat tar-Reġjuni jifraħ lill-Kummissjoni Ewropea talli ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana li jiġbor fih il-kwistjonijiet ewlenin involuti fit-titjib tal-mobbiltà fil-bliet tagħna.

L-argumenti ekonomiċi u ambjentali għal Pjan ta’ Azzjoni

9.   Skont il-Kummissjoni Ewropea, 72 % (7) tal-popolazzjoni Ewropea tgħix f’żoni urbani. Din iċ-ċifra ser titla’ sa 84 % sal-2050. Iż-żoni urbani jridu jindirizzaw l-isfida tat-trasport sostenibbli f’termini ta’ kompetittività (konġestjoni, spejjeż tat-trasport) u ta’ ambjent (kwalità tal-arja, storbju).

10.   Il-Kumitat tar-Reġjuni jirrikonoxxi l-importanza kruċjali tal-mobbiltà urbana u t-trasport urban għall-ġejjieni tal-Ewropa, billi għandha rabtiet mat-tliet pilastri ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli:

il-pilastru ekonomiku, għax il-konġestjoni hija ostakolu għall-kompetittività ekonomika (dewmien fil-kummerċ, spejjeż tat-trasport tal-prodotti iktar għoljin, eċċ.). Iż-żoni urbani huma l-mutur ekonomiku tal-Ewropa, billi iktar minn 70 % tal-ġid ekonomiku fl-UE jinħoloq fihom. Madankollu, 7 % ta’ dan il-ġid jinħela fuq l-ispejjeż esterni tal-aċċidenti, il-konġestjoni, is-saħħa u l-ħsara lill-ambjent;

il-pilastru ambjentali, billi t-tniġġis maħluq mit-traffiku tal-karozzi/trakkijiet u l-konġestjoni fiż-żoni metropolitani u l-bliet u l-ivvjaġġar interurban huma fost l-ikbar ostakoli biex l-UE tilħaq l-objettiv 20-20-20. It-trasport bil-mutur fil-bliet jirrappreżenta 40 % tal-gassijiet b’effett ta’ serra mit-trasport fit-triq b’mod globali, u 70 % tas-sorsi l-oħra ta’ tniġġis. Huwa ovvju li l-introduzzjoni ta’ trasferiment modali fit-trasport urban (bit-trasport pubbliku bħala soluzzjoni ewlenija) ser tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tal-iżvilupp Ewropew;

il-pilastru soċjali, għax sistemi aħjar ta’ trasport pubbliku u tnaqqis fil-konġestjoni ser ikollhom impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u s-saħħa pubblika; ser jagħtu aċċess imtejjeb għaċ-ċentri tal-bliet lill-inħawi u l-komunitajiet żvantaġġati, u b’hekk joħolqu aċċess aħjar għall-opportunitajiet ta’ xogħol, is-servizzi (saħħa, edukazzjoni) u l-kultura.

Rwoli u responsabbiltajiet

11.   Il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni fehmet bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif uriet fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha fejn tagħraf li l-politiki tal-mobbiltà urbana huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, anke jekk id-deċiżjonijiet adottati fil-livell lokali ħafna drabi jkunu marbutin ma’ qafas stabbilit mill-politika nazzjonali jew tal-UE.

12.   Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea hija tal-fehma li hemm ħafna x’wieħed jista’ jirbaħ permezz ta’ ħidma fi sħubija li tirrispetta bi sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà u d-diversi kompetenzi u responsabbiltajiet tal-livelli kollha tal-governanza.

13.   L-20 miżura proposti f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni jikkonċernaw b’mod partikolari l-għodda li għandhom jgħinu lill-bliet u r-reġjuni jiżviluppaw politika ta’ mobbiltà sostenibbli u jirriflettu r-rakkomandazzjonijiet li ressaq il-KtR fil-passat. Dawn l-għodda huma:

skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattika;

il-pubblikazzjoni ta’ dokumenti ta’ informazzjoni u gwida għall-istabbiliment ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana;

djalogu mal-operaturi tat-trasport pubbliku sabiex jiġu ddefiniti l-impenji volontarji dwar id-drittijiet tal-passiġġieri;

gwida fl-internet dwar il-vetturi nodfa u diskussjoni mal-Istati Membri rigward l-arranġamenti biex jiddaħħlu tekniki ta’ sewqan li jiffrankaw l-enerġija fit-testijiet tas-sewqan;

osservatorju dwar il-mobbiltà urbana;

diversi studji fil-qasam tal-mobbiltà urbana, inkluż il-mod kif jaħdmu “ż-żoni ħodor” fl-UE.

14.   Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana jipprovdi opportunità tajba biex jitfassal qafas tal-UE biex l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali jiġu megħjuna jieħdu azzjoni fiż-żoni urbani fejn hemm bżonn li jiġu żviluppati netwerks sostenibbli tat-trasport u soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda, fir-rispett tal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet, li jintroduċu miżuri li joffru mezzi nodfa ta’ trasport fiż-żoni urbani liċ-ċittadini tal-UE u li jbiddlu l-imġiba fir-rigward tal-mobbiltà urbana sabiex jintlaħqu l-għanijiet ambjentali, tal-kompetittività ekonomika u tal-koeżjoni soċjali tal-UE.

15.   Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jiġbor fih sitt temi li ħarġu mill-konsultazzjoni dwar il-Green Paper. Kull tema jistħoqqilha kumment.

Promozzjoni ta’ politiki integrati

16.   Forsi l-iktar azzjoni importanti fost it-tlieta li qed jiġu proposti għal din it-tema hija dik għall-appoġġ lill-awtoritajiet lokali għall-iżvilupp ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli li jkopru t-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri fiż-żoni urbani u periurbani. Din l-azzjoni kienet rakkomandazzjoni ewlenija tal-Kumitat tar-Reġjuni (8).

17.   Madankollu, żieda interessanti – li jistħoqqilha l-appoġġ – hija l-proposta ta’ introduzzjoni ta’ dimensjoni ta’ mobbiltà urbana fil-Pjani għall-Enerġija Sostenibbli li għandhom jitħejjew mill-bliet involuti fil-Patt tas-Sindki (9), bil-għan li jiġi promoss approċċ integrat li jorbot l-enerġija u t-tibdil fil-klima mat-trasport sostenibbli u l-kwistjonijiet ta’ mobbiltà.

18.   Il-Kummissjoni qiegħda tippjana wkoll li tipprovdi informazzjoni dwar ir-rabta bejn il-miżuri għall-mobbiltà urbana sostenibbli u l-objettivi politiċi reġjonali, inkluża r-rabta bejn it-trasport urban u n-netwerk tat-trasport trans-Ewropew.

Enfasi fuq iċ-ċittadini

19.   Hemm kunsens dwar il-fatt li hemm bżonn ta’ drittijiet tal-passiġġieri u informazzjoni dwar l-affidabbiltà, is-sikurezza, eċċ., sabiex is-servizzi tax-xarabank, tat-tramm, tal-metro u ta’ mezzi oħra tat-trasport jkunu attraenti għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni tixtieq tidentifika l-aħjar prattika madwar l-UE u tistabbilixxi għadd ta’ impenji volontarji biex issaħħaħ id-drittijiet tal-passiġġieri fil-qasam tat-trasport pubbliku – inizjattiva li l-Kumitat tar-Reġjuni appoġġja minn qabel (8).

20.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li taħdem mal-operaturi tat-trasport pubbliku u oħrajn sabiex tiffaċilita l-provvista ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar, bil-għan aħħari li tipprovdi portal tal-internet dwar l-ivvjaġġar bit-trasport pubbliku għall-utenti fil-livell tal-UE, b’enfasi partikolari fuq il-punti ta’ konġestjoni ewlenin tan-netwerk tat-TEN-T u l-konnessjonijiet lokali u reġjonali tagħhom – hekk kif kien ġie ssuġġerit mill-Kumitat tar-Reġjuni (8).

21.   Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jitnieda studju dwar ir-regoli operattivi għaż-Żoni l-Ħodor fl-UE kollha, bil-għan li dan iwassal għall-iskambju tal-prattika tajba. Din il-proposta hija impliċita fil-proposta tal-Kumitat tar-Reġjuni (8) għal premju annwali Ewropew għall-aqwa inizjattivi trasferibbli fil-qasam tat-trasport, bħala parti mill-ekwivalenti ta’ “Skema ta’ Bandiera Blu” li tingħata liż-żoni b’livelli baxxi ta’ tniġġis ambjentali u konġestjoni (“Skema ta’ Bandiera Ħadra”). Jidher li l-Kummissjoni Ewropea ssuġġeriet li, għall-Ġimgħa Ewropea tal-Mobbiltà, l-iskema ta’ premju eżistenti tittejjeb u li jingħata premju speċjali biex titħeġġeġ l-adozzjoni ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana.

22.   Billi s-sewqan b’użu effiċjenti tal-enerġija huwa parti obbligatorja mit-taħriġ u t-testijiet tas-sewwieqa professjonali, il-Kummissjoni ser tikkonsulta l-Istati Membri biex tara jekk u kif is-sewqan b’użu effiċjenti tal-enerġija jista’ jiġi inkluż fit-testijiet tas-sewqan tas-sewwieqa privati.

Trasport urban iktar ekoloġiku

23.   Il-Kummissjoni Ewropea temmen li azzjoni fil-livell tal-UE tista’ ssaħħaħ is-swieq għal teknoloġiji ġodda u nodfa kif ukoll għal karburanti alternattivi. Għalhekk tipproponi appoġġ kontinwu għall-proġetti ta’ riċerka u demostrazzjoni ffinanzjati mis-Seba’ Programm Kwadru, sabiex tiffaċilita l-introduzzjoni fis-suq ta’ vetturi mingħajr emissjonijiet jew b’emissjonijiet iktar baxxi u ta’ karburanti alternattivi – b’referenza speċifika għall-Inizjattiva Ewropea tal-Karozzi Ekoloġiċi (10) bbażata fuq il-vetturi elettriċi u l-infrastruttura marbuta magħhom fiż-żoni urbani.

24.   Ser titfassal gwida fuq l-internet dwar il-vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija li tipprovdi appoġġ għax-xiri konġunt ta’ vetturi għas-servizzi pubbliċi.

25.   Ladarba l-qafas tal-UE għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni jkun ġie stabbilit, il-Kummissjoni ser tniedi studju dwar l-aspetti urbani tal-internalizzazzjoni li ser jindirizzaw l-effikaċja u l-effiċjenza tas-soluzzjonijiet f’termini ta’ prezz li jwasslu sabiex l-utent ikopri l-ispejjeż esterni (ambjentali, ta’ konġestjoni u oħrajn).

Tisħiħ tal-finanzjament

26.   Il-Kumitat tar-Reġjuni ressaq rakkomandazzjoni speċifika (8) biex il-finanzjament u l-kofinanzjament Ewropew ta’ proġetti tat-trasport urban isiru fuq il-kundizzjoni li jinħolqu Pjani ta’ Mobbiltà Urbana integrati, li jżidu mal-inċentiv mogħti mill-UE għal dawn il-pjani. Il-Kumitat tar-Reġjuni ppromova l-introduzzjoni ta’ strumenti finanzjarji Ewropej li jippermettu l-kofinanzjament ta’ Pjani ta’ Mobbiltà Urbana, li jiddependu mill-eżistenza ta’ Ftehimiet ta’ Mobbiltà Urbana pubbliċi-pubbliċi/pubbliċi-privati li jiġbdu l-fondi mis-settur privat u mill-programmi ta’ finanzjament lokali, reġjonali u nazzjonali.

27.   Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni jissuġġerixxi li l-finanzjament tal-UE, inklużi l-istrumenti tal-BEI, jista’ jipprovdi inċentivi sinifikanti biex jinkisbu fondi privati, u b’hekk jgħinu lill-awtoritajiet lokali jiżviluppaw skemi innovattivi ta’ sħubija pubblika-privata. Il-Kummissjoni tixtieq tgħin lill-awtoritajiet u lill-partijiet interessati janalizzaw l-opportunitajiet attwali ta’ finanzjament u jiżviluppaw skemi innovattivi ta’ sħubijiet pubbliċi-privati.

28.   Barra minn hekk, il-Kummissjoni għarfet li għandha tkompli tappoġġja l-inizjattiva CIVITAS lil hinn mill-proġetti tat-tielet ġenerazzjoni li bdew fl-2008, hekk kif kien ippropona l-Kumitat tar-Reġjuni (8).

Skambju ta’ esperjenza u għarfien

29.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li, hi u tibbaża fuq inizjattivi eżistenti, tniedi studju dwar kif jista’ jittejjeb il-ġbir tad-data għat-trasport urban u l-mobbiltà, u li tistabbilixxi pjattaforma virtwali għall-iskambju tal-informazzjoni, id-data u l-istatistika, il-monitoraġġ tal-iżviluppi u l-iffaċilitar tal-iskambju tal-prattika tajba (11). Din l-azzjoni kienet intlaqgħet mill-Kumitat tar-Reġjuni.

Titjib tal-mobbiltà urbana

30.   Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tiffaċilita t-trasferiment modali għal mezzi ta’ trasport li huma aktar favur l-ambjent u għal loġistika effikaċi tat-trasport tal-merkanzija. Sabiex tilħaq dawn l-objettivi, hija beħsiebha torganizza konferenza dwar it-trasport urban tal-merkanzija fl-2010. Il-Kumitat tar-Reġjuni jilqa’ din l-inizjattiva.

31.   Il-Kummissjoni qiegħda tippjana wkoll li toffri assistenza għall-applikazzjoni tas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti – idealment bi protokolli ta’ komunikazzjoni interoperabbli u trasferiment tad-data sabiex tittejjeb il-mobbiltà urbana, pereżempju b’rabta mat-tikkettar u l-ħlas elettroniku, il-ġestjoni tat-traffiku, l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar, eċċ.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

32.   jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana tal-Kummissjoni Ewropea u jappoġġja l-miżuri mressqa għax dawn ma jostakolawx il-prinċipju tas-sussidjarjetà u r-responsabbiltajiet primarji tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali filwaqt li jemmen li l-isfidi tal-mobbiltà urbana huma importanti daqs l-infrastruttura tat-trasport reġjonali u fuq distanzi twal, u fi kwalunkwe każ huma komplementari għal qasam jew ieħor ta’ azzjoni reġjonali.

Finanzjament ta’ trasferiment modali għat-trasport pubbliku

33.   jemmen li l-azzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija biss (teknoloġija ġdida tal-mutur, karburanti aħjar u titjib ieħor) li huma appoġġjati mis-Seba’ Programm Kwadru mhux ser ikunu biżżejjed biex jiġu pprovduti sistemi tat-trasport pubbliku ta’ kwalità tajba, sikuri u bi prezz raġonevoli u b’hekk trasferiment modali kbir u konġestjoni mnaqqsa fiż-żoni urbani. Għandu jitħeġġeġ għalhekk it-trasferiment modali għall-forom kollha tat-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu u l-mixi.

34.   konsegwentement, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni li jistħoqqilha lill-mobbiltà urbana, bi kriterji ta’ sostenibbiltà ċari għaż-żoni urbani u periurbani tal-UE, permezz tal-Fondi Strutturali u l-Politika ta’ Koeżjoni, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ).

35.   barra minn hekk, iħeġġeġ li fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-Perspettivi Finanzjarji tal-UE jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet tat-trasport urban, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontribut ewlieni li l-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana ffinanzjati jista’ jkollhom b’rabta mal-pilastri ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-iżvilupp sostenibbli fiż-żoni metropolitani.

36.   jappoġġja s-suġġerimenti tal-Parlament Ewropew li fil-perspettiva finanzjarja għall-2014–2020, għandha tiġi analizzata l-possibilità ta’ strument finanzjarju Ewropew li jkun jista’ jippermetti l-kofinanzjar ta’:

Pjani tal-Mobbiltà Urbana u

Investiment fil-mobbiltà urbana u metropolitana li jilħaq l-objettivi ambjentali u soċjoekonomiċi tal-UE.

37.   jemmen li dawn il-miżuri huma ġġustifikati billi l-provvista ta’ sistemi tat-trasport pubbliku ta’ kwalità tajba, sikuri, bi prezz raġonevoli u estensivi fil-bliet Ewropej u ż-żoni periurbani, tippermetti li:

jissaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività permezz ta’ tnaqqis tal-konġestjoni u tal-ispejjeż tat-trasport, li l-ġestjoni tat-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija ssir iktar effettiva, li jinħolqu impjiegi involuti fis-sistemi ta’ trasport pubbliku u l-effett ta’ lieva ta’ tali investiment (12);

tittejjeb il-kwalità tal-ambjent permezz tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u sorsi oħra ta’ tniġġis u tat-traffiku fit-triq kif ukoll permezz tal-iffrankar tal-enerġija (13), it-titjib tal-kwalità tal-arja u t-tnaqqis tal-impatt fuq is-saħħa f’termini ta’ problemi respiratorji u kardjovaskulari;

tissaħħaħ mill-ġdid il-koeżjoni soċjali u territorjali (14) permezz ta’ mobbiltà mtejba għar-residenti, b’mod partikolari dawk esklużi mill-komunitajiet li jgħixu fil-periferija, u fl-istess ħin jittejjeb l-ambjent taż-żoni popolati u l-attrazzjonijiet turistiċi fiċ-ċentri tal-bliet.

L-adozzjoni ta’ approċċ integrat għall-politiki urbani

38.   jemmen li jeħtieġ li jkun hemm koerenza ikbar fil-politiki u l-inizjattivi Ewropej u, b’mod partikolari, approċċ integrat għall-politiki urbani u tal-ippjanar territorjali sabiex, permezz tal-ħolqien ta’ Pjani ta’ Mobbiltà Urbana integrati u sostenibbli, l-inizjattivi fir-rigward tal-konġestjoni u t-tniġġis ambjentali fiż-żoni metropolitani ma jiġux ikkanċellati minħabba politiki dwar pereżempju kwistjonijiet ta’ ppjanar urban jew akkomodazzjoni.

39.   itenni l-appoġġ tiegħu għall-iżvilupp ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli, għall-inqas għall-bliet il-kbar u ż-żoni urbani u periurbani, li jindirizzaw l-isfidi ta’ aċċessibbiltà għar-residenti kollha u l-bżonnijiet ta’ trasport tal-merkanzija ta’ dawn iż-żoni, kif ukoll il-konġestjoni u l-impatt fuq l-ambjent u s-saħħa.

40.   huwa favur l-inroduzzjoni ta’ inċentivi fil-livell tal-UE sabiex, fiż-żoni urbani u periurbani adegwati, il-finanzjament u l-kofinanzjament Ewropej tal-proġetti tat-trasport urban u metropolitan jiddependu mill-eżistenza ta’ Pjani ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli u l-adozzjoni ta’ Ftehimiet ta’ Mobbiltà li, permezz ta’ ftehimiet ta’ sħubija pubblika-privata, jiġbdu l-fondi mis-settur privat u minn programmi ta’ finanzjament lokali, reġjonali u nazzjonali.

41.   jagħraf il-fatt li ħafna bliet diġà fasslu pjani ta’ mobbiltà iżda jemmen li jekk dan l-approċċ jiġi adottat fiż-żoni urbani kollha b’involviment attiv tal-partijiet ikkonċernati, il-bliet ikunu jistgħu jkomplu jadattaw il-pjani ta’ mobbiltà għaċ-ċirkustanzi tagħhom, filwaqt li l-Kummissjoni tkun tista’ turi l-valur miżjud ta’ azzjoni meħuda fil-livell tal-UE.

42.   jinnota li billi f’okkażjonijiet oħra l-Kummissjoni Ewropea talbet lill-awtoritajiet lokali biex jiżviluppaw u jimplimentaw pjani ta’ trasport urban sostenibbli (15), il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu dan obbligatorju għall-kull żona urbana jew perirubana kbira u toħloq inċentivi adatti għall-bliet u r-reġjuni biex tħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali jfasslu pjani bħala dawn.

43.   jappella sabiex il-fondi għall-inizjattiva CIVITAS jiżdiedu, iżda unikament biex jippermettu li CIVITAS tmur lil hinn mill-proġetti ta’ demostrazzjoni u l-iskambju ta’ prattika tajba, sabiex tikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Pjani ta’ Mobbiltà Urbana.

44.   iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tagħti inċentiv għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Pjani ta’ Mobbiltà Urbana billi toffri premju Ewropew annwali għall-aqwa inizjattivi trasferibbli fil-qasam tat-trasport, bħala parti mill-“Iskema ta’ Bandiera Ħadra” madwar l-UE li tingħata, pereżempju, liż-żoni urbani li jadottaw Pjani ta’ Mobbiltà Urbana u jiksbu livelli baxxi ta’ tniġġis ambjentali u konġestjoni urbana jew li jiksbu riżultati partikolarment tajbin fit-tqassim tal-mezzi tat-trasport (“modal split”).

45.   jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta għadd ta’ indikaturi li jservu għall-għoti ta’ “Bandiera Ħadra” urbana, iżda jagħraf li l-ksib ta’ livelli baxxi ta’ tniġġis (arja u storbju) u ta’ konġestjoni (rapidità u affidabbiltà tal-vjaġġi) huma sfida li tvarja minn belt għall-oħra, meta wieħed iqis il-karatteristiċi differenti tal-bliet u tat-trasport urban.

46.   jirrakkomanda li, meta jingħażlu l-bliet għall-għoti tal-bandiera l-ħadra, jittieħed ukoll kont tal-promozzjoni tal-mod ta’ ħsieb ekoloġiku u/jew li jippromwovi l-ambjent f’żoni urbani, bħall-promozzjoni tal-użu ta’ forom alternattivi ta’ transport (bl-iżvilupp ta’ kareġġjati għall-mixi jew għar-roti jew l-inkoraġġiment ta’ mezzi alternattivi oħrajn ta’ transport eċċ).

It-tħeġġiġ ta’ trasferiment modali fit-trasport

47.   jagħraf il-fatt li ċ-ċittadini tal-UE, fid-dawl tal-għarfien kbir tagħhom dwar il-kwistjonijiet marbutin mat-tibdil fil-klima, jistgħu jkunu iktar favorevoli għall-adozzjoni ta’ miżuri li jinvolvu ħlas min-naħa tal-utent għall-ispejjeż esterni tas-sistemi tat-trasport (ambjent, konġestjoni u oħrajn) fejn l-awtoritajiet pubbliċi ma jinvestux fit-trasport pubbliku – il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

48.   iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibda, mill-iktar fis possibbli, l-istudju propost dwar l-aspetti urbani tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-mezzi ta’ trasport, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati miżuri li jibbilanċjaw il-prezz tad-diversi mezzi tat-trasport (16) u sabiex jitfasslu sistemi ta’ trasport iktar sostenibbli fiż-żoni urbani (17).

49.   jemmen li l-parir tal-Kummissjoni Ewropea rigward id-diversi possibbiltajiet li jeżistu biex l-ispejjeż esterni tal-mobbiltà jiġu riflessi fil-prezzijiet tat-trasport ser isaħħaħ l-appoġġ pubbliku għal mezzi tat-trasport nodfa, jikkontribwixxi għal trasferiment modali u jgħin sabiex iċ-ċittadin jifhem li t-trasport individwali “jidher” aktar ekonomiku biss minħabba li l-ispejjeż esterni ma jidhrux fil-kontijiet ekonomiċi tat-trasport.

50.   jilqa’ l-appoġġ tal-Kummissjoni għar-riċerka dwar vetturi nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija tagħhom u dwar karburanti alternattivi, iżda jinnota li, filwaqt li l-progress teknoloġiku ser imexxi l-aġenda ambjentali, hemm ukoll bżonn ta’ miżuri għat-trasferiment modali biex jiġu indirizzati l-problemi ambjentali u ta’ konġestjoni fiż-żoni urbani.

It-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri

51.   jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-passiġġieri u d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar is-sigurtà u l-affidabbiltà iżda, billi dawn ser japplikaw biss għal impenji volontarji bbażati fuq l-aħjar prattika madwar l-UE, jitlob li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-impatt probabbli ta’ dawn il-proposti billi tappoġġja l-kampanji ta’ komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri kollha, bil-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali.

52.   jappella għal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni li jinkludu informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri ta’ mobbiltà urbana u l-għażliet ta’ mobbiltà taċ-ċittadini Ewropej fuq l-ambjent u l-kompetittività ekonomika tal-Ewropa u r-reġjuni tagħha.

Brussell, 15 ta’ April 2010.

L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCARCEL SISO


(1)  Opinjoni dwar il-Green Paper dwar it-Trasport Urban (relatur: Albert Bore) – CdR 236/2007 fin.

(2)  COM(2007) 551.

(3)  Opinjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobilità Urbana (relatur: Albert Bore) – CdR 417/2008 fin.

(4)  Rapport dwar Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Urbana (relatur: Gilles Savary) – 2008/2217(INI).

(5)  Opinjoni dwar il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali (relatur: Jean-Yves Le Drian) – CdR274/2008fin.

(6)  COM(2009) 490.

(7)  Nazzjonijiet Uniti, Prospetti ta’ Urbanizzazzjoni Dinjija: Reviżjoni tal-2007.

(8)  Ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna.

(9)  www.eumayors.eu.

(10)  http://ec.europa.eu/research/transport/info/green_cars_initiative_en.html

(11)  Pereżempju – www.eltis.org.

(12)  L-investimenti fit-trasport pubbliku għandhom effett multiplikatur ta’ 2 sa 2.5 fuq l-ekonomiji lokali u reġjonali – il-Ħames Programm Qafas tal-KE (2005): Studju Transecon.

(13)  Jista’ jiġi ffrankat madwar 400 sa 500 kg ta’ karburant fis-sena għal kull resident fil-bliet fejn it-trasport pubbliku għandu sehem modali kbir – UITP.

(14)  Ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna.

(15)  “Strateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban” – COM(2005) 718.

(16)  Il-prezz ta’ vjaġġ bil-ferrovija jew bil-karozza tal-linja qiegħed jiżdied b’iktar mill-ispejjeż tal-użu ta’ karozza privata – Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, Rapport 3/2004.

(17)  Futur sostenibbli għat-trasport: Lejn sistema integrata, immexxija mit-teknoloġija u li tista’ tintuża faċilment (Relatur: Väino Hallikmägi) – CdR 146/2009 fin.


27.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/36


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-istrateġija tat-tkabbir u l-isfidi ewlenin 2009-2010 – pajjiżi kandidati”

(2010/C 232/06)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI,

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.   itenni li l-għan tal-UE hu li tippromovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-prosperità tal-popli tagħha. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li l-Unjoni hija miftuħa għall-pajjiżi Ewropej kollha li jissodisfaw il-kriterji ta’ Kopenħagen;

2.   jinnota li l-proċess ta’ tkabbir huwa fattur importanti għall-garanzija tal-paċi u l-istabbiltà fil-kontinent Ewropew u jagħti liċ-ċittadini tal-pajjiżi kandidati opportunità addizzjonali sabiex jibbenfikaw mill-prosperità li tiżviluppa permezz tal-ispazju ekonomiku komuni;

3.   jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha tikkonferma l-impenn assolut tagħha favur il-prospettiva ta’ integrazzjoni għall-pajjiżi Ewropej kollha li jissodisfaw il-kriterji tal-adeżjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-proċess ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni;

4.   jinnota li s-suċċess tal-proċess ta’ adeżjoni jiddependi mill-mod kif il-pajjiż kandidat ikkonċernat iħejji l-adeżjoni tiegħu u jissodisfa l-kriterji ta’ Kopenħagen;

5.   jenfasizza li huwa jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri u r-riformi implimentati mill-pajjiżi kandidati sabiex jissodisfaw il-kriterji tal-adeżjoni;

6.   jiġbed l-attenzjoni għall-importanza essenzjali tar-rispett tal-prinċipju tar-relazzjoni tajba mal-pajjiżi ġirien u tal-kooperazzjoni reġjonali għall-proċess ta’ integrazzjoni; jistieden lill-pajjiżi kandidati isolvu b’mod li jkun aċċettabbli għaż-żewġ partijiet il-problemi li għandhom pendenti mal-pajjiżi ġirien tagħhom fil-qafas tal-prijoritajiet, prinċipji u valuri Ewropej;

7.   josserva li huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jipparteċipaw minn kmieni fil-proċess ta’ integrazzjoni minħabba li dan huwa inizjattiva strutturali, profondament demokratika, li ma tistax titwettaq sew fil-livell ċentrali biss, mingħajr parteċipazzjoni attiva tal-livelli governattivi kollha u mingħajr ir-rispett sħiħ tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-prossimità;

IL-KROAZJA

Progress miksub mill-Kroazja fil-proċess ta’ adeżjoni

8.   jifraħ lill-Kroazja għall-progress kontinwu li din wettqet sabiex tirrispetta l-kriterji tal-adeżjoni tal-Unjoni kif ukoll l-obbligi implikati f’din l-adeżjoni;

9.   juri s-sodisfazzjoni tiegħu għall-ftehim bilaterali li ġie konkluż sabiex jissolva l-argument relatat mal-fruntieri tas-Slovenja u li wassal għal soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ partijiet fir-rigward ta’ din il-kwistjoni;

10.   iħeġġeġ lill-Kroazja tintensifika l-isforzi tagħha biex tirrispetta l-kriterji u l-għanijiet ta’ referenza meħtieġa, b’mod speċjali l-kooperazzjoni sħiħa mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għall-eks-Jugoslavja (TKIJ) fir-rigward tal-każijiet li għadhom pendenti, kif ukoll biex tħaffef ir-riformi f’ċerti setturi ewlenin peress li dawn huma kundizzjoni indispensabbli biex in-negozjati tal-adeżjoni jiġu konklużi fl-2010;

11.   huwa tal-fehma li sar progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; madankollu jinnota li din għadha teżisti f’bosta setturi u jirrakkomanda li l-Kroazja twettaq sforzi supplementari, iżżid il-kapaċitajiet amministrattivi tal-atturi inkarigati mill-glieda kontra l-korruzzjoni, u tiżviluppa kultura ta’ responsabbiltà politika fil-livelli kollha;

12.   ifaħħar is-salvagwardji legali fir-rigward tal-libertà u l-pluraliżmu fix-xandir u jinsab ferħan li dawn it-tnejn qed jiġu rispettati; madankollu jinnota t-theddidiet u l-pressjoni politika fuq il-ġurnalisti li jindagaw dwar il-kwistjonijiet tal-korruzzjoni u tal-kriminalità organizzata;

13.   jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tan-nuqqasijiet li jeżistu fl-applikazzjoni tal-liġijiet antidiskriminatorji. It-tnaqqis baġitarju riċenti m’għandux jintuża bħala skuża għal applikazzjoni inkompleta ta’ dawn il-liġijiet. Il-Kumitat jinnota li d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-minoranzi hija problema aktar speċifika, tant li fil-prattika, il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-proċeduri penali kontra d-diskriminazzjoni mhumiex konformi mal-mudelli tal-UE;

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

14.   jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-ewwel elezzjonijiet diretti tas-sindki u tal-prefetti, li ġew organizzati f’Mejju 2009, twettqu b’sens ta’ ordni, kien hemm parteċipazzjoni ikbar għalihom u wasslu għal żieda fir-rappreżentazzjoni politika tan-nisa;

15.   jilqa’ l-adozzjoni tal-istrateġija nazzjonali 2009–2013 għat-taħriġ tal-uffiċjali u l-impjegati tal-gvernijiet lokali u reġjonali u jirrikonoxxi l-importanza taagħha biex jittejbu l-kapaċitajiet tal-istrument amministrattiv lokali għall-forniment tas-servizzi deċentralizzati liċ-ċittadini; madankollu jinsisti fuq id-dgħufijiet kbar li jeżistu fil-proċeduri amministrattivi u jagħraf li l-bażi legali tal-kostruzzjoni ta’ amministrazzjoni pubblika moderna u professjonali għadha mhux perfetta;

16.   jinnota li l-istrateġija ta’ deċentralizzazzjoni għadha ma ġietx adottata minħabba n-nuqqas ta’ impenn fil-livell politiku, u jikkundanna n-nuqqas ta’ koordinazzjoni ġenerali bejn il-livell politiku u dak tekniku, kif ukoll bejn l-amministrazzjoni ċentrali u l-awtoritajiet lokali; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali jintroduċu proċeduri li jippermettu li dawn ikunu rappreżentati b’mod sodisfaċenti fil-proċessi leġiżlattivi u jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ miżuri maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni ekonomika tal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

17.   jitlob li jittieħdu azzjonijiet aktar konkreti sabiex ikunu żgurati t-taħriġ u t-titjib tal-ħiliet professjonali u l-għarfien tal-awtoritajiet pubbliċi Kroati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; f’dan ir-rigward jissuġġerixxi li tinbena l-kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE sabiex l-esperjenzi tagħhom ikunu jistgħu jintużaw malajr u sabiex il-kundizzjonijiet tat-Trattat tas-sħubija jkunu jistgħu jinkisbu malajr ukoll;

18.   jagħraf il-progress li twettaq fis-semplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ reġistrazzjoni tal-intrapriżi, iżda jenfasizza li l-klima intraprenditorjali hija influwenzata ħażin mill-għadd kbir ta’ korpi parafiskali fil-livell nazzjonali u lokali, mill-korruzzjoni u n-nuqqasijiet tal-amministrazzjoni pubblika;

19.   huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom għandhom jipparteċipaw fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-acquis communautaire; jenfasizza wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu ppreparati sew biex jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom li jirriżultaw mill-adeżjoni futura u biex jibbenefikaw mill-opportunitajiet li din toffri;

DIK LI KIENET IR-REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA

Progress miksub minn dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-proċess ta’ adeżjoni

20.   jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-“Affarijiet Ġenerali” ta’ Diċembru 2009 u jħeġġeġ lill-gvern ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jiggarantixxi relazzjonijiet tajbin mal-ġirien, u b’mod partikolari li jirdoppja l-isforzi tiegħu biex, permezz tan-negozjati, tinstab soluzzjoni li hi aċċettabbli reċiprokament għall-kwistjoni tal-isem, taħt l-awspiċi tan-NU;

21.   ifakkar fl-importanza tar-relazzjonijiet tajba mal-ġirien u jħeġġeġ lill-gvern ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex jaħdem flimkien mal-imsieħba kollha biex tkompli tiġi żviluppata l-kooperazzjoni reġjonali;

22.   jifraħ bid-deċiżjoni tal-UE li mid-19 ta’ Diċembru 2009 ċ-ċittadini ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża fiż-żona tax-Schengen;

23.   jitlob lill-awtoritajiet ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex ikomplu l-isforzi tagħhom ta’ riforma, b’mod speċjali fl-oqsma tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ġustizzja, tad-drittijiet tan-nisa u tar-relazzjonijiet bejn l-etniċitajiet, b’konformità mal-ftehim ta’ Ohrid tal-2001, li fost affarijiet oħra jipprevedi li jiġu assigurati d-drittijiet tal-persuni a’ kull etniċità u li tiżdied il-parteċipazzoni tagħhom fil-ħajja pubblika u fl-amministrazzjoni;

24.   jilqa’ l-progress sodisfaċenti li l-pajjiż wettaq fir-rigward tat-tisħiħ u l-applikazzjoni tal-qafas għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, anki jekk din għadha teżisti u għadha s’issa problema serja; jistieden lill-pajjiż biex ikompli l-isforzi meħtieġa, b’mod speċjali f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-qafas legali;

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali

25.   jilqa’ t-twaqqif ta’ kummissjoni ġdida għall-awtonomija lokali;

26.   japprova l-użu tal-kooperazzjoni transkonfinali sabiex jitħeġġeġ id-djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-pajjiżi ġirien;

27.   jilqa’ l-fatt li l-osservaturi mibgħuta mill-Uffiċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE u mill-Kunsill tal-Ewropa kkonkludew li l-elezzjonijiet presidenzjali u lokali li saru fl-2009 rrispettaw il-parti l-kbira tal-kriterji tal-OSKE u r-regoli internazzjonali għall-elezzjonijiet demokratiċi; iħeġġeġ lill-gvern ikompli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li fadal tal-OSKE-ODIHR u jittama li dan se jimpenja ruħu bis-sħiħ sabiex jinvestiga l-ksur tar-regoli li ġie identifikat;

28.   iħeġġeġ li titkompla d-deċentralizzazzjoni u li jkun hemm trasferiment aktar b’saħħtu tal-kompetenzi lill-muniċipalitajiet, li jikkostitwixxu prinċipji fundamentali tal-Ftehim Qafas ta’ Ohrid, iżda josserva li dawn għandhom jibbenefikaw minn impenn imsaħħaħ, b’mod partikolari fir-rigward tal-qafas finanzjarju għall-muniċipalitajiet; jappoġġa wkoll l-isforzi li saru mill-Unjoni tal-Muniċipalitajiet (ZELS) li tassumi kariga importanti sabiex il-proċess ta’ deċentralizzazzjoni javvanza;

29.   jilqa’ d-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar il-kooperazzjoni interkomunali, ta’ Ġunju 2009, li jemmen li ser tiġi applikata effettivament, kif ukoll id-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjonijiet paralleli li qed jitħejjew;

30.   jenfasizza t-titjib tal-ġbir tat-taxxi lokali u l-azzjonijiet li tnedew biex isaħħu l-kapaċitajiet tal-muniċipalitajiet għall-ġestjoni tat-taxxi fuq il-ġid, ir-riżorsi ekonomiċi, id-dejn u l-kontroll finanzjarju tagħhom;

31.   jinnota li ċerti muniċipalitajiet, b’mod speċjali dawk li għandhom numru żgħir ta’ residenti, għad għandhom biss kapaċitajiet amministrattivi limitati fir-rigward tal-ġestjoni tal-mezzi ekonomiċi, tat-taxxi, u tal-kontroll finanzjarju tagħhom, u jikkundanna n-nuqqasijiet li għandhom qed jaffettwaw lill-awtoritajiet lokali fil-qasam tat-trasparenza u tar-responsabbiltà;

32.   huwa konvint li tinħtieġ kooperazzjoni aħjar bejn il-livell ċentrali u dak lokali u li l-ministeru tal-awtoritajiet lokali għandu jimpenju ruħu aktar sabiex tiġi ffaċilitata l-proċedura tad-deċentralizzazzjoni;

33.   jitlob li jiżdiedu l-isforzi fil-ġlieda kontra t-traffikar modern tal-bnedmin billi jiġi implimentat iktar il-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u l-immigrazzjoni illegali (NAP) u tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar fil-livell lokali;

34.   jesprimi s-sodisfazzjoni tiegħu għall-fatt li l-impjegati muniċipali qed jitħarrġu bil-mod il-mod sabiex ikunu jistgħu jimplimentaw dawk il-partijiet tal-acquis communautaire li huma f’idejn il-livell lokali u biex jimmaniġġjaw il-fondi pprovduti mill-UE; iħeġġeġ biex dawn l-isforzi jitkomplew;

35.   jinnota li fir-rigward tat-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni ambjentali u l-implimentazzjoni tagħha, il-kapaċità amministrattiva, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak lokali, għadha ’l bogħod milli tkun kwalifikata b’mod sodisfaċenti, u jenfasizza li huwa importanti li din is-sitwazzjoni titranġa b’mod effikaċi, filwaqt li jitqies ukoll kwalunkwe effett ambjentali fuq l-Istati ġirien.

IT-TURKIJA

Progress miksub mit-Turkija fil-proċess ta’ adeżjoni

36.   jinnota b’sodisfazzjoni li għaddej dibattitu pubbliku fuq skala kbira dwar sensiela ta’ kwistjonijiet li tradizzjonalment huma ta’ natura sensittiva, bħalma huma: ir-rwol tal-ġudikatura, id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ oriġini Kurda, id-drittijiet ta’ dawk mill-komunità Alevi, ir-rwol tal-armata, kif ukoll ir-relazzjonijiet tat-Turkija mal-ġirien tagħha, u jfaħħar lill-gvern Tork għall-imġieba kostruttiva tiegħu u għar-rwol tiegħu fit-tnedija ta’ dan id-djalogu;

37.   josserva li fl-2009 l-pajjiż ma pprogressa kważi xejn fir-rigward tar-riformi tanġibbli u jħeġġeġ lill-gvern sabiex jittraduċi l-inizjattivi politiki tiegħu f’bidliet konkreti fil-livell ta’ leġiżlazzjoni u fl-applikazzjoni sussegwenti tagħha;

38.   jiddispjaċih li minkejja li l-pajjiż adotta leġiżlazzjoni li tikkonforma mal-kriterji ta’ Kopenħagen, l-implimentazzjoni tagħha għadha lura ħafna, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tan-nisa, in-nondiskriminazzjoni, il-libertà tar-reliġjon u dik tal-espressjoni, l-ebda tolleranza fir-rigward tat-tortura, u r-ripressjoni tal-korruzzjoni;

39.   juri t-tħassib tiegħu fir-rigward tas-sitwazzjoni prevalenti fil-qasam tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa, b’mod speċjali fid-dawl tal-multa mingħajr preċedent li ġiet imposta fuq grupp tax-xandir;

40.   juri d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li sar biss ftit progress fil-qasam tal-libertà tar-reliġjon u jħeġġeġ lill-gvern biex jadotta qafas legali li jikkonforma mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u biex jagħti lill-komunitajiet reliġjużi kollha li mhumiex musulmani u lil dawk tal-komunità Alevi l-possibbiltà li jaħdmu mingħajr ma jkunu vittmi ta’ restrizzjonijiet mhux ġustifikati;

41.   jiddispjaċih għall-fatt li l-gvern Tork għadu jesprimi riżervi fir-rigward tad-drittijiet tal-minoranzi, bħalma huma dawk garantiti mil-liġi internazzjonali; għalhekk jistieden lill-gvern Tork jikkonforma l-politika tiegħu mal-mudelli internazzjonali f’dan il-qasam u jistieden lill-partiti politiċi jappoġġjaw l-isforzi tal-gvern; iħeġġeġ lit-Turkija tadotta miżuri konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-minoranza Griega fuq il-gżejjer ta’ Imbros u (Gökçeada) u Ténédos (Bozcaada), bil-għan li l-karattru interkulturali taż-żewġ gżejjer jinżamm bħala mudell ta’ kooperazzjoni bejn il-Greċja u t-Turkija;

42.   jikkundanna l-ksur persistenti tal-impenji li jirriżultaw mill-protokoll addizzjonali tal-ftehima ta’ assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Turkija; jistieden lit-Turkija timpenja ruħha biex tapplika dan it-test b’mod integrali u nondiskriminatorju;

43.   jistieden lill-partijiet kollha kkonċernati biex jappoġġjaw bis-sħiħ in-negozjati li għaddejjin bħalissa fil-kwistjoni Ċiprijotta u biex jagħmel kontribut konkret sabiex ikun assigurat ir-regolament globali, li għandu jibbaża fuq l-iskema ta’ konfederazzjoni biżonali u bikomunitarja b’identità u personalità ġuridika internazzjonali unika, b’konformità kemm mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar din il-kwistjoni kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tal-UE; jistedinhom ukoll biex jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ atmosfera adatta sabiex jiġi nnegozjat l-irtirar tat-truppi Torok minn Ċipru, Stat Membru tal-UE, ir-regolamentazzjoni tal-kwistjoni tal-kolonji u l-għoti lura taż-żona barrikata ta’ Famagusta lill-abitanti leġġittimi tagħha;

44.   jinsisti fuq l-importanza tat-Turkija bħala pajjiż ta’ tranżitu għall-immigrazzjoni illegali; jinnota l-pjan biex jerġgħu jibdew in-negozjati għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija u jħeġġeġ biex sakemm dan jiġi konkluż, it-Turkija tapplika bis-sħiħ il-ftehimiet bilaterali ta’ riammissjoni li diġà ġew stabbiliti mal-Istati Membri; jistieden lill-gvern Tork jintensifika l-kooperazzjoni mal-Unjoni għall-ġestjoni tal-immigrazzjoni, inkluża dik fil-qafas tal-Frontex, l-aġenzija li tiżgura s-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-Unjoni;

45.   fir-rigward ta’ kwistjonijiet reġjonali oħrajn, il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon it-titjib fir-relazzjonijiet tat-Turkija mal-ġirien tagħha, b’mod speċjali l-ftehima konġunta mal-Armenja, u jenfasizza l-importanza kbira ta’ ratifika mgħaġġla tal-protokolli għat-twaqqif ta’ rabtiet diplomatiċi u aktar żvilupp tar-relazzjonijiet bilaterali mal-Armenja. Il- KtR jistenna lit-Turkija tkompli l-isforzi tagħha għall-ħolqien ta’ relazzjonijiet tajba mal-ġirien tagħha u r-riżoluzzjoni paċifika tad-diverġenzi;

It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali

46.   japprezza li l-elezzjonijiet lokali li saru f’Marzu 2009 inġenerali seħħew b’mod liberu u ġust;

47.   mhuwiex sodisfatt bid-dewmien tal-progress fit-trasferiment tal-kompetenzi lill-awtoritajiet lokali, b’mod speċjali f’dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ kunsilli muniċipali operattivi, peress li din hija l-kundizzjoni fundamentali għat-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-popolazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet lokali;

48.   jitlob żieda fit-trasparenza u r-responsabbiltà, b’mod partikolari fil-qasam tal-kontrolli interni u esterni tal-finanzi tal-awtoritajiet lokali u jenfasizza l-importanza li għandhom id-deċentralizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet lokali biex dawn jeżerċitaw il-kompetenzi li ngħatawlhom;

49.   japprova l-prijorità li ngħatat lil-livell massimu ta’ impjiegi fin-negozjati, kif ukoll l-adozzjoni ta’ programm nazzjonali għall-adozzjoni tal-acquis, filwaqt li josserva li ma tantx sar progress fir-rigward tal-implimentazzjoni effikaċi tal-politiki u r-riformi kostituzzjonali;

50.   jiġbed l-attenzjoni għar-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Nru 16/2009, dwar il-ġestjoni tal-assistenza qabel l-adeżjoni li ngħatat lit-Turkija mill-Kummissjoni Ewropea u jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika r-rakkomandazzjonijiet, tistabbilixxi l-objettivi u twettaq il-programmi fuq il-bażi tal-kriterji tal-adeżjoni;

51.   jilqa’ l-ħolqien ta’ aġenziji ta’ żvilupp u jinsab sodisfatt li l-atturi reġjonali u lokali kkonċernati qed jipparteċipaw fit-tħejjija tal-baġit ta’ kull waħda minn dawn l-aġenziji; jinnota madankollu n-nuqqas ta’ ċarezza li hemm fir-rigward tal-kriterji tal-għażla u n-nuqqas ta’ trasparenza fil-proċedura;

52.   jinnota li l-konformità mal-acquis fil-qasam tal-politika reġjonali u l-koordinazzjoni tal-istrumenti strutturali għadha limitata.

53.   jesprimi t-tama u l-konvinzjoni tiegħu li n-nuqqasijiet u l-kritika li ssemmew fir-rigward tal-awtorijiet u istituzzjonijiet oħra tat-Turkija jiġu analizzati tajjeb u jittieħdu l-miżuri legali u amministrattivi meħtieġa sabiex il-problemi jiġu eradikati.

Brussell, 14 ta’ April 2010

L-Ewwel Viċi-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCARCEL SISO


27.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/41


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni “Intejbu d-direttivi tal-EIA u s-SEA”

(2010/C 232/07)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

A.   Kummenti ġenerali u r-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali

1.   jikkonferma l-importanza tad-Direttivi dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (Strategic Environmental Assessment – SEA) u l-EIA bħala strumenti essenzjali għall-politika ambjentali lokali u reġjonali billi jipprevjenu l-konsegwenzi potenzjali għall-ambjent mill-programmi, pjani jew proġetti pubbliċi jew privati għall-investiment;

2.   jenfasizza li l-applikazzjoni taż-żewġ Direttivi tista’ timponi spejjeż addizzjonali fuq l-intrapriżi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi;

3.   madankollu, josserva li l-ebda waħda miż-żewġ Direttivi ma tistabbilixxi standards ambjentali obbligatorji: il-garanzija tal-kontroll tal-EIA u s-SEA titħalla l-iktar f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali;

4.   iqis li, għalkemm hemm dispożizzjoni għall-parteċipazzjoni tal-pubbliku u t-trasparenza fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet taħt id-Direttivi tal-EIA u s-SEA, għad hemm lakuni li jridu jiġu indirizzati, speċifikament fil-bidu tal-istadju tal-konsultazzjoni pubblika, l-għamla li se tieħu l-informazzjoni pubblika u l-aċċess għaliha;

5.   jiġbed l-attenzjoni li f’bosta oqsma hemm xi punti li jidhru darbtejn fiż-żewġ Direttivi. Għalkemm jindirizzaw kwistjonijiet differenti, fejn id-Direttiva tas-SEA tapplika minn isfel għal fuq (upstream) għal ċerti pjani u programmi u d-Direttiva EIA teżamina proġetti pubbliċi u privati, id-divarju bejn dak li jiddefinixxi l-pjani, il-programmi u l-proġetti mhuwiex dejjem ċar u għad hemm inċertezza dwar jekk is-suġġett ta’ analiżi jissodisfax il-ħtiġijiet għall-applikazzjoni taż-żewġ Direttivi jew waħda biss. Għaldaqstant, l-analiżi għandha titwettaq f’żewġ stadji;

6.   jenfasizza l-bżonn li ż-żewġ Direttivi jintrabtu formalment mad-Direttiva tal-Habitats, b’mod partikolari l-aspett tagħha tal-evalwazzjoni xierqa u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Bijodiversità, u li għandhom jinkludu metodoloġija stabbilita sew biex jiġi ddeterminat l-impatt tat-tibdil fil-klima;

B.   Id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (EIA)

7.   jikkonferma li l-Istati Membri kollha introduċew oqfsa regolatorji komprensivi u qed japplikaw id-Direttiva EIA, f’xi każijiet lil hinn mill-ħtiġijiet minimi li tistabbilixxi din id-Direttiva;

8.   madankollu, jinnota li xi oqsma tad-Direttiva EIA iridu jittejbu u jitlob li ssir diskussjoni bejn l-esperti fil-livell tal-Istati Membri, b’mod partikolari rigward l-iskrining, il-parteċipazzjoni pubblika, il-kwalità tal-informazzjoni, il-proċeduri transkonfinali tal-EIA u l-koordinazzjoni bejn l-EIA u Direttivi u politiki oħra;

9.   jipproponi li l-mekkaniżmu stabbilit għall-iskrining fl-Artikolu 4, flimkien mal-Annessi II u III, għandhom jiġu ssemplifikati u ċċarati, billi jingħata iktar dettall dwar l-għażla tal-kriterji stabbiliti fl-Anness III u billi jiġu stabbiliti livelli, kriterji jew katalisti fid-Direttiva. L-esperjenza turi li meta jiġu stabbiliti l-livelli, xi Stati Membri ħafna drabi jaqbżu l-marġni tad-diskrezzjoni, jew billi jqisu biss xi wħud mill-kriterji tal-għażla fl-Anness III jew billi jeżentaw xi proġetti minn qabel. Barra minn hekk hemm bosta każijiet fejn l-effetti kumulattivi ma jitqisux u jintużaw prattiki ta’ “porzjonar” fil-proġetti, speċjalment għall-pjani ta’ investimenti kbar. Jipproponi wkoll li l-karatteristiċi tal-proġetti inklużi fl-Annessi I u II jiġu ċċarati b’mod dettaljat sabiex jiġi ċċarat l-ambitu tal-applikazzjoni;

10.   jirrakkomanda li d-Direttiva tintroduċi proċess obbligatorju tad-definizzjoni tal-ambitu (“scoping”) li jiddetermina l-kontenut u l-livell tal-kwistjonijiet li għandhom jiġu koperti fl-informazzjoni ambjentali tal-EIA, u proċess trasparenti tal-akkreditazzjoni għall-konsulenti fejn dawn jintużaw;

11.   jirrakkomanda wkoll, bħala miżura li tikkontribwixxi għall-kwalità u b’hekk l-effikaċja tal-EIA, li d-Direttiva tispeċifika li l-analiżi ta’ soluzzjonijiet alternattivi, it-twaqqif tal-perijodu ta’ validità tal-EIA u l-monitoraġġ tal-impatt ambjentali sinifikanti li jista’ jinħoloq mill-implimentazzjoni tal-proġett, huma obbligatorji, kif ukoll tal-effikaċja tal-miżuri protettivi u korrettivi li jiġu adottati;

12.   jisħaq li l-pubbliku għandu jingħata opportunitajiet minn stadju bikri u b’mod effettiv biex jieħu sehem fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-konsultazzjoni pubblika għandha tinbeda mill-iktar fis possibbli, pereżempju fl-istadju tal-proċess tad-definizzjoni tal-ambitu u tal-iskrining. Għandhom jitħejjew ukoll rekwiżiti minimi dwar l-aħjar mod kif id-dokumentazzjoni tal-EIA jista’ jsir disponibbli għall-pubbliku kkonċernat;

C.   Id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (SEA)

13.   jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istampa ġenerali tal-applikazzjoni u l-effikaċja tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali (SEA) fl-Istati Membri kollha hija waħda varjata fl-arranġamenti istituzzjonali u legali u kif l-Istati Membri jifhmu r-rwol tagħha (1);

14.   jenfasizza li għalkemm tinħtieġ iktar esperjenza fl-applikazzjoni tad-Direttiva tas-SEA, id-Direttiva tinkludi sensiela ta’ elementi, li jitħallew għad-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru, li jistgħu jiġu speċifikati f’evalwazzjoni. Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li:

jiġi speċifikat mingħajr l-ebda ambigwità l-ambitu tad-Direttiva (Artikolu 3(2)(a) u (3)) rigward jekk hemmx possibbiltà li pjan jew proġett hux ser ikollu effetti ambjentali;

jiġi definit aħjar liema informazzjoni għandha tiddaħħal fir-rapport ambjentali (Artikolu 5 u Anness I). L-identifikazzjoni tal-iskala korretta tad-data u tal-livell tad-dettall tal-analiżi, u l-inklużjoni ta’ sett standard ta’ kriterji ambjentali jistgħu jtejbu l-effikaċja tad-Direttiva;

li fir-rapport ambjentali (Artikolu 5(1)) tiġi pprovduta definizzjoni speċifika tal-alternattivi raġonevoli fuq bażi obbligatorja;

li jsir obbligatorju li jiġu stabbiliti metodi u indikaturi li jippermettu l-monitoraġġ tal-effetti ambjentali sinifikanti (Artikolu 10) tal-implimentazzjoni tal-pjani u l-programmi, kif ukoll l-effikaċja tal-miżuri protettivi u korrettivi li jiġu adottati;

15.   ifakkar li l-esperjenza turi li l-introduzzjoni tas-SEA fl-ippjanar tal-użu tal-art reġjonali u lokali żżid l-ispejjeż rilevanti b’0,1-1 % u l-perijodi ta’ approvazzjoni b’20 sa 25 % iktar mill-perijodu normali, u li dan għandu jiġi rifless fi kwalunkwe emenda li ssir lid-Direttiva tas-SEA;

16.   iqis li hemm bżonn kruċjali li tiġi żviluppata l-kapaċità fl-Istati Membri sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva tas-SEA. Sabiex dan isir, għandu jitħeġġeġ sew it-tisħiħ tal-kapaċitajiet, b’mod partikolari permezz ta’ kampanji mmirati għar-reklutaġġ u t-taħriġ tal-esperti tas-SEA u l-abbozz ta’ dokumenti gwida;

17.   jipproponi li kull inizjattiva li tittieħed għandha tinkorpora l-prinċipji tas-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u r-regolamentazzjoni aħjar, tiftaħ dibattitu wiesa’ mal-partijiet interessati kollha, ittejjeb il-konservazzjoni tan-natura, iżżid il-livell ta’ armonizzazzjoni u tissemplifika l-proċeduri eżistenti;

18.   jinnota li jistgħu jiġu ffrankati l-ħin u l-flus u li jista’ jiġi evitat ix-xogħol doppju għax il-pubbliku diġà jista’ jiskopri iktar dwar l-għażliet maħsuba għal matul is-seduti pubbliċi waqt li jkunu qed jitħejjew il-pjani għall-użu tal-art; għaldaqstant, SEA hija żejda bħala miżura biex tiżgura l-involviment tal-pubbliku. SEA tista’ ssir biex tittestja alternattivi rigward l-għan, it-teknoloġiji użati jew l-impatt ambjentali ta’ proġett speċifiku li jista’ jkun ta’ dannu ambjentali.

Brussell, 15 ta’ April 2010.

L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  Għal iktar tagħrif dwar l-applikazzjoni u l-effikaċja taż-żewġ Direttivi, ara dawn l-istudji li ġejjin mill-Kummissjoni Ewropea:

http://ec.europa.eu/environment/eia/pdf/eia_study_june_09.pdf

http://ec.europa.eu/environment/eia/pdf/study0309.pdf


27.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/44


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku u komunikazzjoni dwar sħubija pubblika-privata dwar l-Internet tal-ġejjieni”

(2010/C 232/08)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kummenti komuni dwar iż-żewġ Komunikazzjonijiet

1.   jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku” u dik intitolata “Sħubija pubblika-privata dwar l-Internet tal-Ġejjieni”, billi t-trasformazzjoni tad-dividend diġitali u l-iżvilupp tal-internet tal-ġejjieni jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-firda diġitali kif ukoll għat-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija ta’ Lisbona u tal-Istrateġija tal-UE 2020 sussegwenti, u biex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet importanti taċ-ċittadini Ewropej fl-oqsma soċjali, kulturali u ekonomiċi;

2.   ifakkar li hu kemm-il darba insista fuq il-fatt li firda diġitali persistenti toħloq l-esklużjoni soċjali u tnaqqas l-attività ekonomika. Għalhekk hemm bżonn ta’ opportunitajiet ugwali fir-rigward tal-aċċess u l-kompetenzi diġitali mill-perspettiva soċjali u ekonomika;

3.   jaqbel mal-istqarrija li l-inklużjoni-e taqdi rwol kruċjali fit-twettiq tal-objettivi tal-inizjattiva “i2010 – Soċjetà tal-informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi” (1) u għaldaqstant tal-objettivi ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali tal-Istrateġija ta’ Lisbona (2);

4.   jenfasizza li l-eżiġenza ta’ aċċess, bi prezz raġonevoli, għall-internet bil-broadband hija essenzjali għall-koeżjoni soċjali u territorjali u għat-tkabbir ekonomiku, kif ukoll għall-integrazzjoni diġitali fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-kuntest attwali ta’ kriżi ekonomika u soċjali serja;

5.   jinnota li, bħala servizz komparabbli ma’ servizzi pubbliċi oħra bħall-provvista tal-ilma u l-elettriku, il-broadband hija kkunsidrata dejjem iktar bħala servizz pubbliku (3). F’dan il-kuntest, il-broadband għandha tkun disponibbli bi prezz raġonevoli għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea;

6.   jisħaq fuq l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li ġiet imsemmija fl-Istrateġija i2010 għal soċjetà tal-informazzjoni Ewropea, għax huma l-mutur tat-tkabbir ekonomiku fil-livell lokali u jiġġeneraw, jużaw u joffru ħafna servizzi u prodotti diġitali tal-informazzjoni; f’ċerti Stati Membri huma wkoll l-awtoritajiet kompetenti f’dan il-qasam. Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti bis-sħiħ u b’mod effettiv fil-governanza tas-soċjetà tal-informazzjoni (4);

7.   f’dan il-kuntest, jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u r-responsabilità li għandhom biex jiggarantixxu aċċess għall-broadband bi prezz raġonevoli f’reġjuni fejn il-mekkaniżmi tas-suq ma jkunux biżżejjed, biex ikunu quddiemnett fit-tmexxija ta’ proġetti piloti bl-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi fir-rigward tal-aċċessibilità elettronika, u biex jiżviluppaw approċċi ġodda li jipprovdu servizzi elettroniċi pubbliċi ċċentrati fuq iċ-ċittadin (2);

8.   għaldaqstant, fil-fehma tiegħu, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jieħdu sehem f’kooperazzjoni wiesgħa sabiex itejbu l-interoperabilità tal-amministrazzjoni pubblika u l-effikaċja tas-servizzi pubbliċi (5);

9.   jissuġġerixxi użu sħiħ tal-potenzjal tal-Ewropa fil-qasam tal-iżvilupp tas-servizzi TIK fis-settur pubbliku u privat u li t-TIK jintużaw għat-titjib tas-servizzi proposti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali f’oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ordni pubblika, is-sigurtà u s-servizzi soċjali. Is-sħubijiet pubbliċi-privati (SPP) appoġġati mill-UE bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-SMEs li jiżviluppaw it-TIK fil-qasam tas-servizzi pubbliċi TIK jistgħu joħolqu bażi eċċellenti għall-istabbiliment ta’ ġabra soda ta’ kompetenzi u ta’ għarfien fil-livell lokali fl-UE kollha (6);

Kummenti speċifiċi dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “It-trasformazzjoni tad-dividend diġitali f’benefiċċji soċjali u fi tkabbir ekonomiku”

10.   jaqbel mal-kumment tal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-bidla minn televiżjoni terrestri analoga (analogue terrestrial TV) għal xandir diġitali fl-Ewropa ser tiftaħ għadd ta’ frekwenzi tar-radju li huma utli ħafna minħabba l-effiċjenza akbar tat-trasmissjoni tax-xandir diġitali. Il-potenzjal li joffri dan id-“dividend diġitali” għall-provvista ta’ firxa wiesgħa ta’ servizzi huwa konsiderevoli billi, fil-firxa ta’ frekwenzi kkonċernati, is-sinjali tar-radju jistgħu jkopru distanzi twal u t-tagħmir li jużaw dawn il-frekwenzi jista’ jaħdem faċilment fil-bini. Il-Kumitat jemmen li dan jirrappreżenta opportunità unika għall-Ewropa sabiex hija tissodisfa d-domanda dejjem tikber għall-ispettru tar-radju, b’mod partikolari għall-provvista tal-wireless broadband fiż-żoni rurali, u b’hekk tegħleb il-firda diġitali, u biex tistimola l-adozzjoni ta’ servizzi wireless ġodda bħalma hija l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ broadband mobbli, kif ukoll biex tappoġġa l-iżvilupp tax-xandir fuq l-art.

Id-dividend diġitali – strument favur l-iżvilupp ekonomiku

11.   jinnota li skont l-istudju “Nużaw id-dividend diġitali – approċċ Ewropew” mitlub mill-Kummissjoni, il-benefiċċju totali li jista’ joħroġ mid-dividend diġitali fuq perijodu ta’ 15-il sena huwa stmat bejn 150 u 700 biljun euro madwar l-Unjoni Ewropea; f’dan il-kuntest, skont id-dispożizzjonijiet riveduti reċentement tal-qafas regolatorju Ewropew dwar in-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi (7), il-frekwenzi tar-radju huma prodott pubbliku b’valur soċjali, kulturali u ekonomiku kbir;

12.   josserva li l-aċċess għad-dividend diġitali ser jiffaċilita l-provvista tas-servizzi tal-broadband fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, u b’hekk ser jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ suq uniku ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, u b’konsegwenza ta’ dan isir element importanti tal-produttività u tal-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

Id-dividend diġitali – strument biex niġġieldu kontra l-firda diġitali

13.   huwa konvint li firda diġitali persistenti xxekkel l-iżvilupp u ż-żamma tal-koeżjoni soċjali u l-prosperità u toħloq esklużjoni soċjali u ekonomika. L-inizjattiva i2010 ser tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-għajxien tal-individwi u s-soċjetà b’mod ġenerali (2);

14.   ifakkar fid-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom is-swieq biex jistabbilixxu, f’ċerti żoni ġeografiċi, netwerks tal-broadband b’veloċità għolja għal prezz raġonevoli. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tippromovi l-użu tal-frekwenzi tar-radju li ser jinfetħu biex tiżviluppa politiki u orjentazzjonijiet li jindirizzaw din l-inkapaċità tas-suq u li jiffaċilitaw l-inizjattivi tal-Istat u tas-settur pubbliku sabiex jiġu żviluppati, f’dawn iż-żoni, netwerks miftuħin u separati mis-servizzi f’termini operattivi (3);

Il-ftuħ tal-ispettru u l-vantaġġi għall-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi

15.   itenni li l-aċċess għal broadband ta’ kwalità għolja bi prezz raġonevoli jista’ jtejjeb il-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, filwaqt li jkun iktar faċli għall-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju li joffru l-prodotti tagħhom għall-bejgħ. Ir-reġjuni u l-komunitajiet remoti, b’mod speċjali dawk ultraperiferiċi, huma mistennija jibbenefikaw b’mod konsiderevoli minn aċċess usa’ u iktar veloċi għas-servizzi tal-broadband (8);

16.   iqis li l-użu tad-dividend diġitali għandu jippermetti li jiġu żviluppati servizzi magħrufa bħala “servizzi ta’ amministrazzjoni elettronika”, b’ambitu ta’ applikazzjoni li jkopri l-oqsma li ġejjin: ir-relazzjonijiet bejn l-utenti u l-amministrazzjonijiet; il-kontribut tal-amministrazzjonijiet għat-tħeġġiġ tad-dibattitu pubbliku (tixrid ta’ informazzjoni pubblika essenzjali, forum pubbliku, konsultazzjonijiet online, u b’mod iktar wiesa’ l-mekkanimżi l-ġodda ta’ konsultazzjoni taċ-ċittadini); ir-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi u l-amministrazzjoni (stqarrijiet tal-informazzjoni soċjali, stqarrijiet ta’ reklutaġġ, trasferiment ta’ data fiskali u tal-kontabilità); l-implimentazzjoni tat-tekniki tal-kummerċ elettroniku fis-swieq u fix-xiri pubbliku (akkwist pubbliku elettroniku); il-metodi ġodda tax-xogħol u tal-organizzazzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni (trasformazzjoni tal-professjonijiet, xogħol kooperattiv, xogħol mid-dar). L-użu tad-dividend diġitali jippermetti li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi marbutin mat-tbegħid taż-żoni rurali permezz ta’ komunikazzjoni mtejba bejn l-amministrazzjoni u l-utenti, kemm l-utenti individwali kif ukoll l-intrapriżi.

17.   jenfasizza li wieħed mill-punti ċentrali tal-objettiv tal-modernizzazzjoni tal-politika Ewropea ta’ koeżjoni għall-perijodu 2007-2013 huwa li l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-bliet isiru aktar attraenti permezz tal-aċċessibilità u l-provvista ta’ servizzi ta’ standard adegwat. Il-Kumitat huwa tal-fehma li dan l-approċċ iħeġġeġ l-iżvilupp tas-servizzi pubbliċi online u l-ekonomija tal-għarfien, billi jagħti spinta lill-kapaċitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni (2);

Approċċ ikkoordinat fil-livell Komunitarju

18.   jinnota li, dejjem skont l-istudju “Nużaw id-dividend diġitali – approċċ Ewropew”, l-istabbiliment, qabel l-2015, ta’ koordinazzjoni Ewropea adegwata tal-frekwenzi tar-radju tad-dividend diġitali għandu jippermetti li jissaħħaħ l-impatt ekonomiku ta’ dan id-dividend b’20 sa 50 biljun euro fuq 15-il sena, essenzjalment skont il-livell reali tad-domanda futura ta’ servizzi avvanzati, bħax-xandir bir-radju fuq l-art u l-wireless broadband;

19.   jinnota wkoll li, kemm il-Konferenza Ewropea tal-Posta u t-Telekomunikazzjoni (CEPT) (9) kif ukoll ir-Radio Spectrum Policy Group (RSPG) (10) insistew fuq in-natura mhux vinkolanti tal-approċċi armonizzati kollha. Hemm diversi argumenti favur l-aspett mhux vinkolanti: id-differenzi marbutin mad-daqs u t-topografija tal-Istati, il-livell ta’ kompetizzjoni mal-pjattaformi l-oħra ta’ provvista ta’ servizzi, bħas-satellita jew in-netwerk fiss (wired network), kif ukoll l-użu tal-frekwenzi tar-radju fil-pajjiżi ġirien meta dawn ma jkunux membri tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, huwa f’idejn l-Istati Membri – jew l-awtoritajiet lokali jew reġjonali jekk dawn ikollhom din il-kompetenza – li jiddeċiedu dwar l-allokazzjoni ta’ faxxa ta’ frekwenzi tar-radju għal użu partikolari. Madankollu jagħraf li koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet tekniċi ta’ użu hija meħtieġa fil-livell Ewropew sabiex jiġu massimizzati l-ekonomiji ta’ skala fil-qasam tal-investiment u sabiex jiġi żgurat li l-ispettru jintuża b’mod effikaċi;

20.   iqis li hemm bżonn ta’ approċċ armonizzat għad-dividend diġitali, dejjem sakemm ma jkunx vinkolanti u jqis il-karatteristiċi tal-Istati Membri u l-politiki li jixtiequ jwettqu. Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni għall-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tekniċi ta’ użu tal-faxxa tat-800 MHz, filwaqt li ma tobbligax lill-Istati Membri jiftħu faxxa għal applikazzjonijiet ġodda lil hinn mix-xandir bir-radju;

Id-dividend diġitali u l-politiki nazzjonali fil-qasam tal-mezzi tax-xandir

21.   jinnota li l-politika Komunitarja fil-qasam tad-dividend diġitali ser ikollha impatt fuq il-politiki tal-Istati Membri fil-qasam tal-mezzi tax-xandir, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp tat-televiżjoni diġitali hertzjana. Kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea għandu għadd indaqs ta’ koperturi televiżivi nazzjonali. Iżda l-allokazzjoni ta’ faxxa sekondarja ta’ frekwenzi tar-radju għal servizzi oħra għajr ix-xandir bir-radju ser ikolha impatt fuq dawn il-koperturi, li ser ivarja skont l-Istat Membru kkonċernat, u b’hekk ser tipperikola l-prinċipju tal-aċċess ġust ta’ kull Stat Membru għall-ispettru radjoelettriku. Minħabba f’hekk, il-Kumitat iqis li l-politika Komunitarja fil-qasam tad-dividend diġitali għandha tqis din id-diffikultà u tagħmel mezz li l-Istati Membri kollha jkollhom kapaċitajiet ekwivalenti biex iwettqu l-politiki nazzjonali tagħhom fil-qasam tal-iżvilupp tal-mezzi tax-xandir diġitali;

22.   jenfasizza r-rwol essenzjali tas-servizzi tax-xandir għall-promozzjoni tad-diversità kulturali, il-pluraliżmu u d-demokrazija parteċipattiva, u għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-identità tal-komunitajiet lokali, reġjonali u nazzjonali fl-Ewropa. Jinnota li t-televiżjoni hertzjana tibqa’ l-aqwa mezz ta’ kif wieħed jista’ joffri dawn is-servizzi liċ-ċittadini. Jagħraf l-istennijiet u l-bżonnijiet taċ-ċittadini fir-rigward tad-diversità tal-programmi, il-kwalità tas-servizzi, il-mobbiltà u l-provvista ta’ servizzi ta’ valur miżjud, ukoll permezz tal-pjattaformi fuq l-art;

Id-dividend diġitali u l-politiki fil-qasam tal-urbaniżmu u tar-rispett tal-ambjent

23.   jinnota li l-użu tad-dividend diġitali għall-komunikazzjonijiet wireless ser jeħtieġ użu usa’ ta’ antenni mix-xandir bir-radju, u dan jista’ jkollu impatt fuq l-urbaniżmu u l-ambjent. Jinnota wkoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod ġenerali huma responsabbli għal dawn l-oqsma. Jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jinstab bilanċ tajjeb bejn l-użu inevitabbli ta’ netwerks ġodda u l-eżerċitar tar-responsabbiltajiet;

Kummenti speċifiċi dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Sħubija pubblika-privata dwar l-Internet tal-Ġejjieni”

Ir-riċerka u l-iżvilupp

24.   ifaħħar lill-Kummissjoni għall-impenn tagħha li tappoġġa dejjem aktar l-iżvilupp teknoloġiku u tar-riċerka fl-internet tal-ġejjieni permezz tas-Seba’ Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (FP7), lil hinn mill-kisbiet eċċezzjonali attwali, filwaqt li japprova l-użu tal-programm CIP bħala pjattaforma eċċellenti li tippromovi l-implimentazzjoni tal- applikazzjonijiet tal-ġejjieni fl-internet. Il-Kumitat jappella b’mod partikolari, kif diġà għamel f’opinjonijiet preċedenti (11), għal użu kkoordinat tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7), il-Fondi Strutturali (FS) u l-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), billi dan huwa essenzjali għall-kompetittività tal-UE u s-sinerġija bejn il-politiki ta’ koeżjoni, riċerka, edukazzjoni superjuri u innovazzjoni fil-livell nazzjonali u reġjonali (6);

25.   jinnota li b’mod ġenerali hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni f’ċerti setturi bħall-edukazzjoni, l-innovazzjoni, ir-riċerka, l-investiment u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ soluzzjonijiet TIK innovattivi. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “innovazzjoni bbażata fuq l-utent” jista’ jkun għodda utli ta’ titjib. Fil-fatt diġà qiegħed jintuża f’għadd dejjem ikbar ta’ reġjuni u bliet fl-Ewropa u huwa mutur ewlieni tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u tad-dħul fis-suq ta’ innovazzjonijiet ġodda. Għaldaqstant il-Kumitat jemmen li l-kunċett jistħoqqlu post iktar importanti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (6);

26.   ifakkar li huwa diġà enfasizza l-importanza ta’ relazzjoni stretta bejn ir-riċerka u l-iżvilupp u l-prattiki industrijali u għalhekk jappella sabiex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jieħdu l-miżuri possibbli kollha biex jippromovu trasferiment rapidu tar-riċerka lejn il-prattiki kummerċjali u pubbliċi ta’ kuljum (6);

27.   ifakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu joħolqu ambjent ta’ riċerka innovattiva u jesploraw mezzi ġodda għal kooperazzjoni interistituzzjonali bejn is-settur pubbliku u s-settur privat u kooperazzjoni reġjonali transkonfinali. Barra minn investiment mill-awtoritajiet lokali u reġjonali, dan jeħtieġ ukoll appoġġ finanzjarju mill-Istati Membri u mill-UE (12);

Interoperabilità

28.   jinnota li l-iżvilupp ta’ pjattaformi interattivi, bħall-Web 2.0, huwa aktar utli llum-il-ġurnata minħabba l-funzjonijiet kumplessi tagħhom ta’ skambju tal-informazzjoni u interoperabilità msaħħa bejn għadd kbir ta’ netwerks, kif ukoll minħabba l-possibbiltajiet li joffru għall-ħolqien jew il-provvista tal-kontenut, kemm mill-individwi kif ukoll permezz ta’ kooperazzjoni jew kollaborazzjoni; f’dan il-kuntest, l-iżvilupp rapidu ta’ teknoloġiji tal-ħżin huwa vitali għall-bażijiet tad-data tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, li jaħżnu d-deskrizzjoni tal-oġġetti identifikati permezz tal-indirizz elettroniku tagħhom (13);

29.   iqis li s-suċċess tal-isforzi favur is-swieq ta’ innovazzjoni u għall-ksib ta’ interoperabilità u standards komuni jiddependi mill-appoġġ kontinwu u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u jenfassiza l-fatt li dawn l-isforzi għandhom jiġu kkompletati permezz ta’ azzjoni fil-livell reġjonali u lokali;

Is-sigurtà tad-data u r-rispett għall-ħajja privata

30.   jisħaq fuq il-fatt li fl-iżvilupp tal-infrastruttura għall-internet tal-ġejjieni u tas-servizzi marbutin miegħu, ser ikun kruċjali li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tas-sigurtà f’kull livell jintlaħqu sabiex jinkisbu l-ogħla livelli ta’ privatezza jew protezzjoni tad-data personali u jiġi evitat il-monitoraġġ mhux awtorizzat ta’ kull xorta ta’ informazzjoni personali jew il-ħolqien ta’ profili, pereżempju dwar il-preferenzi ta’ xiri, l-istat ta’ saħħa, l-informazzjoni medika, eċċ. (13);

31.   jinnota li l-garanzija tar-rispett għall-privatezza tiddependi minn xi fatturi, fosthom l-istruttura tal-korpi fis-settur pubbliku (li l-parti l-kbira tagħhom jinsabu fil-livell lokali), il-konverġenza tal-leġislazzjoni tal-UE, it-tkattir ta’ kultura innovattiva fost l-uffiċjali tal-awtoritajiet pubbliċi, fosthom permezz tal-użu ta’ kodiċi tal-etika komuni, u l-ġestjoni ta’ applikazzjonijiet mibnija fuq it-TIK (13).

32.   isejjaħ għal taħriġ estensiv għall-impjegati kollha, l-aktar għall-persunal tekniku speċjalizzat (pereżempju fil-qasam tan-netwerks, sistemi, sigurtà, privatezza, eċċ.), l-impjegati li għandhom x’jaqsmu direttament mal-proċeduri tas-sigurtà, li jinvolvu metodoloġiji differenti, kif ukoll l-impjegati li huma involuti b’mod ġenerali jew indirettament fl-innovazzjoni u l-modernizazzjoni (pereżempju t-tagħlim tal-kompetenzi diġitali lill-konsumaturi) (13);

33.   ifakkar li huwa diġà talab li jissaħħu u jingħataw impetu ġdid il-miżuri intiżi biex il-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-problemi marbuta mas-sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni jsiru fi stadju bikri, kompitu li tippromovi l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) (2);

Il-bżonn ta’ azzjoni komuni fil-livell Ewropew għall-iżvilupp tal-internet tal-ġejjieni

34.   jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tassoċja l-Forum tal-Internet tal-Ġejjieni fl-implimentazzjoni tal-proposti msemmija fil-Komunikazzjoni, billi jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni tal-azzjonijiet fil-livell Ewropew sabiex jiġi evitat tifrix kbir wisq tal-isforzi u sabiex jiġu ddefiniti l-objettivi komuni ta’ interess pubbliku. Billi l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-iżvilupp tal-internet tal-ġejjieni, il-Kumitat jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-Forum, u jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposti li jmorru f’din id-direzzjoni.

Brussell, 15 ta’ April 2010

L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  COM(2005) 229 finali

(2)  CdR 5/2008 fin.

(3)  CdR 304/2008 fin.

(4)  CdR 247/2009 fin.

(5)  CdR 10/2009 fin.

(6)  CdR 156/2009 fin.

(7)  Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 25 ta’ Novembru 2009, ĠU L 337, 18.12.2009

(8)  CdR 252/2005 fin.

(9)  Rapport 22 tas-CEPT – Rapport B mis-CEPT lill-Kummissjoni Ewropea b’risposta għall-mandat dwar il-kunsiderazzjonijiet tekniċi għall-possibbiltajiet ta’ armonizzazzjoni fid-dividend diġitali, 01/07/2008.

(10)  Opinjoni tar-RSPG dwar l-implikazzjonijiet tad-dividend diġitali għall-politika dwar l-ispettru tal-UE, 14/02/2007 – Opinjoni tal-RSPG dwar id-dividend diġitali, 18/09/2009.

(11)  CdR 263/2007 fin.

(12)  CdR 84/2007 fin.

(13)  CdR 247/2009


27.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 232/49


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “L-iżvilupp ta’ strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE”

(2010/C 232/09)

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.   jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) biex titnieda Komunikazzjoni dwar “Tħejjija għall-ġejjieni tagħna: Żvilupp ta’ strateġija komuni għal teknoloġiji abilitanti essenzjali fl-UE” (Komunikazzjoni dwar il-KET (Key enabling technologies));

2.   jinnota li dawn it-teknoloġiji għandhom il-potenzjal li jsiru assi ta’ valur għaċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet, u jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib ta’ prodotti u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi;

3.   jilqa’ referenzi u rapporti addizzjonali bħall-Komunikazzjoni dwar “Nanoxjenzi u Nanoteknoloġiji: Pjan ta’ azzjoni għall-Ewropa 2005–2009” (Ir-Rapport “Nano”), għall-appoġġ li toffri għall-iżvilupp futur ta’ teknoloġiji abilitanti essenzjali (KET); jinnota li l-Komunikazzjoni dwar il-KET tirrikonoxxi li n-nanoteknoloġiji huma waħda minn ħames teknoloġiji abilitanti essenzjali ta’ rilevanza strateġika;

4.   jinnota r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (LRA) fil-promozzjoni ta’ djalogu informat mal-pubbliku ġenerali, u fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib pubbliku li jikkonċernaw mill-qrib liċ-ċittadini;

5.   jappoġġja l-enfasi iktar qawwija proposta fil-Komunikazzjoni dwar il-KET fuq proġetti strateġiċi konġunti ta’ programmar u ta’ dimostrazzjoni, kif ukoll it-tentattivi biex jinsab approċċ iktar strateġiku u kkoordinat, mhux biss mill-UE u l-Istati Membri iżda wkoll mir-reġjuni;

6.   jilqa’ r-referenza fil-Komunikazzjoni dwar il-KET għall-promozzjoni ta’ clusters u netwerks reġjonali tal-innovazzjoni, bħala punt essenzjali għall-ħolqien u ż-żamma ta’ livell ta’ innovazzjoni mill-aqwa u li sservi biex l-għarfien ikun ankrat b’mod sod f’reġjun speċifiku;

7.   jirrikonoxxi l-importanza tal-KET għall-kompetittività internazzjonali u l-iżvilup sostenibbli; jenfasizza li l-iskambju ta’ esperjenzi u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri u reġjuni oħrajn Ewropej għandu jiġi intensifikat u; jenfasizza l-importanza li jinkisbu l-benefiċċji tal-aħjar prattiki minn madwar id-dinja;

8.   itenni l-importanza ta’ sinerġiji bejn il-FP, il-Fondi Stutturali u l-politiki nazzjonali b’rabta mal-objettivi usa’ tal-UE fir-rigward tal-kompetittività u l-koeżjoni;

9.   jirrikonoxxi l-importanza tar-reviżjoni tal-qafas għall-Għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-innovazzjoni u jitlob lill-Kummissjoni żżommu infurmat dwar kull żvilupp rilevanti;

10.   jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni biex jitwaqqaf grupp ta’ esperti ta’ livell għoli li jkollu r-responsabbiltà li jiżviluppa strateġija komuni fit-tul għall-KET, u jitlob lill-Kummissjoni żżommu infurmat sa minn stadju bikri dwar kif jiżviluppa dan il-grupp, inklużi l-analiżi u r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika tiegħu;

11.   jappoġġja l-ħtieġa msemmija fir-Rapport “Nano” li jiġu integrati aspetti tas-saħħa, tas-sigurtà u tal-ambjent fl-iżvilupp tan-nanoteknoloġija, u li jiġi stabbilit djalogu effettiv mal-partijiet interessati kollha;

12.   jirrikonoxxi l-importanza li jiġu riveduti bir-reqqa r-regolamenti Ewropej fis-seħħ bħalissa, kif ġie mitlub mill-Parlament Ewropew, u li dawn jiġu sinkronizzati ma’ regolamenti u standards reġjonali, peress li d-diversità eċċessiva fir-regolamenti tista’ tagħmel ħsara lill-kompetittività internazzjonali ta’ reġjuni u Stati Membri Ewropej;

13.   huwa tal-fehma li l-azzjonijiet proposti, bit-tqegħid tal-kliem attwali bħala Komunikazzjoni dwar il-KET, ma jqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward tal-konformità tagħhom mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità;

L-impatt tal-KET fuq il-kompetittività u l-innovazzjoni

14.   jenfasizza l-importanza tal-KET fis-sostenn ta’ applikazzjonijiet prattiċi, ir-rwol potenzjali tagħhom fil-pjan Ewropew ġdid għall-innovazzjoni, u l-possibilitajiet tagħhom biex isaħħu l-kwalità tal-ħajja u l-kompetittività fir-reġjuni Ewropej;

15.   jirrikonoxxi li barra mill-bżonn li tingħata attenzjoni kontinwa lill-kompetittività ta’ setturi partikulari, huwa importanti wkoll li ninnotaw li l-prosperità futura tal-Ewropa se tiddependi dejjem iktar minn attivitajiet intersettorjali (1);

16.   jinnota li l-promozzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet ta’ għarfien speċifiku f’bosta katini tal-innovazzjoni tista’ twassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fil-livelli kollha u għarfien sigur għar-reġjuni (1);

17.   isejjaħ biex issir reviżjoni tal-Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u biex dan jiġi adattat iktar għall-ħtiġijiet tal-SMEs, sabiex tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti konġunti Ewropej u jiġu pprovduti b’iktar potenzjal għall-iżvilupp ta’ KET fil-livell reġjonali;

18.   jagħraf li l-Ewropa diġà hija inqas attraenti fejn jidħlu investimenti industrijali f’dan il-qasam;

L-aspetti soċjali tal-KET

19.   jirrikonoxxi l-importanza, imsemmija fil-Komunikazzjoni dwar il-KET, ta’ għarfien u fehim pubbliku tal-KET, u ta’ strateġija proattiva li tgħaqqad flimkien il-partijiet interessati, sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tal-pubbliku u sabiex jiġu kkomunikati b’mod miftuħ il-benefiċċji u r-riskji ta’ teknoloġiji ġodda;

20.   ifakkar mill-ġdid il-ħtieġa li jinftiehmu u jiġu kkomunikati b’mod tajjeb il-benefiċċji u r-riskji ta’ teknoloġiji ġodda kif espressi mill-KtR f’opinjonijiet preċedenti (2) u jekk hemm bżonn, jitwettqu studji sabiex nifhmu aħjar ir-riskji possibbli marbutin mal-benefiċċji mistennija;

21.   jilqa’, f’dan ir-rigward, rwol iktar b’saħħtu għall-Grupp Ewropew dwar l-Etika f’dibattitu informat dwar l-opportunitajiet u r-riskji tal-bijo u n-nanoteknoloġiji;

22.   jappoġġja l-importanza li ngħatat lill-indirizzar tal-aspettattivi u t-tħassib tas-soċjetà, kif imsemmi fir-Rapport “Nano” u d-dokumenti mehmużin miegħu;

23.   jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bjen l-UE u l-livelli nazzjonali u reġjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet etiċi u soċjoekonomiċi;

24.   jaħseb li l-UE għandha twaqqaf Task Force Ewropew għall-Innovazzjoni Soċjali, li ma jkunx separat mill-politika industrijali tal-UE, u jkun fil-qalba ta’ din il-politika (1);

25.   jitlob lill-Istati Membri sabiex jieħdu deċiżjonijiet koordinati u konġunti flimkien mar-reġjuni dwar il-politika tal-innovazzjoni, u dwar il-metodi u l-istrumenti użati biex tiġi promossa din il-politika, sabiex ir-riżultati miksuba jissodisfaw il-ħtieġa attwali fil-livell lokali u reġjonali (3);

26.   jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni qed tippjana li tħeġġeġ, kemm fil-politika tal-kummerċ kif ukoll fil-ftehimiet bilaterali, li jitwaqqfu l-prattiċi mhux leġittimi tas-sussidju fil-pajjiżi terzi u b’hekk titwaqqaf ukoll il-kompetizzjoni għas-sussidji. Sakemm il-pajjiżi terzi mhumiex preparati biex dan jagħmluh, l-UE u l-Istati Membri għandhom jiddefendu l-interessi teknoloġiċi u ekonomiċi tagħhom permezz ta’ miżuri effettivi sabiex iżommu t-teknoloġiji prinċipali u magħhom l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien fl-Ewropa;

L-infrastruttura u l-koeżjoni

27.   jitlob li jkun hemm iktar enfasi fuq it-tqajjim ta’ kuxjenza fil-livell reġjonali u lokali u fuq it-tħeġġiġ tal-modernizzazzjoni tal-infrastruttura, bħala elementi neċessarji għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-KET;

28.   jirrimarka li l-infrastrutturi tar-riċerka Ewropej fil-biċċa l-kbira tagħhom jinsabu fil-punent tal-Ewropa, u li f’dan ir-rigward għandha tiġi promossa distribuzzjoni ġeografika iktar xierqa;

29.   jirrikonoxxi l-bżonn li jiġi żviluppat qafas fil-livell Ewropew sabiex jiġi żgurat li infrastrutturi tar-riċerka jaħdmu b’mod iktar effettiv u li jitneħħew l-ostakoli għar-riċerka internazzjonali;

30.   iħeġġeġ li r-Raggruppamenti Ewropej għall-Koeżjoni Territorjali (REKT) jitqiesu speċifikament bħala strument legali alternattiv għall-ħolqien ta’ infrastrutturi tar-riċerka b’dimensjoni Ewropea;

31.   jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni ta’ programmi konġunti tar-riċerka: l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma atturi ewlenin fl-iżvilupp ta’ strateġiji reġjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni; ħafna drabi jiġġestjonaw istituzzjonijiet ta’ riċerka u jappoġġjaw ambjenti innovattivi;

32.   jipproponi li jiżdiedu l-inċentivi fi ħdan il-Fondi Strutturali li jappoġġjaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi rati divrenzjati ta’ għotjiet li jiffavorixxu investimenti fi proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni;

33.   jinkoraġġixxi lill-bliet u r-reġjuni biex jappoġġjaw it-trasferimenti tal-għarfien u l-innovazzjoni mill-bażi xjentifika għall-industrija, itejbu l-provvista ta’ kapital riskjuż, anke għall-kooperazzjoni transkonfinali u jappoġġjaw dawk li japplikaw invenzjonijiet teknoloġiċi għal privattivi u l-użu ta’ privattivi;

34.   jenfasizza r-rwol speċjali tal-politika tal-koeżjoni fl-appoġġ ta’ attivitajiet ta’ innovazzjoni fir-reġjuni;

35.   jinnota li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jista’ jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp ta’ ħiliet u għall-modernizzazzjoni ta’ strutturi u sistemi edukattivi, billi jiffinanzja inkubaturi tan-negozju u parks tax-xjenza, u b’hekk jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-SMEs u l-universitajiet;

It-titjib tal-parteċipazzjoni tal-SMEs fi sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat

36.   itenni li l-politika industrijali Ewropea għandha tagħti attenzjoni iktar espliċita lill-interazzjoni bejn l-intrapriżi l-kbar u ta’ daqs medju jew żgħar, u b’mod speċjali bejn l-SMEs u ċ-ċentri ta’ riċerka (1); jenfasizza l-importanza kruċjali ta’ forza ta’ xogħol ikkwalifikata għal din l-interazzjoni u biex l-industrija jkollha l-għeruq fil-livell reġjonali;

37.   ifakkar fir-rwol essenzjali ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u s-settur privat, b’enfasi partikulari fuq il-parteċipazzjoni ta’ universitajiet, kulleġġi u korpi tar-riċerka (4); jinnota l-importanza li l-kurrikuli universitarji jintrabtu mat-teknoloġiji li huma rilevanti għall-forza tax-xogħol ta’ reġjun, sabiex l-għarfien u l-kompetittività jinżammu f’dak ir-reġjun;

38.   iħeġġeġ li jkun hemm bidla sinifikanti, meta r-reġjuni jużaw il-Fondi Strutturali, lejn stimolu tad-domanda għar-riċerka u l-innovazzjoni b’mod partikulari, u li titrawwem innovazzjoni miftuħa li titmexxa mill-utenti stess bħala potenzjal reġjonali (5);

Żviluppi f’setturi speċifiċi

39.   jirrikonoxxi li diġà bdew iseħħu, f’għadd ta’ setturi, innovazzjonijiet spettakolari intermittenti fi prodotti u fir-reklamar, bħal pereżempju s-setturi tal-ikel u tal-farmaċewtiċi (ix-xjenzi tal-ħajja), it-teknoloġija bijomedika, sistemi awtomotivi u tat-teknoloġija għolja (1);

40.   jinnota li l-bijoteknoloġija toffri alternattivi futuri promettenti għall-industrija tal-kimika, barra mill-mod kif tista’ tiġi applikata fis-setturi tas-saħħa, tal-ikel u tal-għalf (2);

41.   jitlob li l-koeżistenza ta’ prattiki agrikoli differenti tiġi żviluppata, mhux biss fl-interess ta’ prattika tajba fil-qasam tal-agrikoltura, iżda wkoll tat-tolleranza u l-fiduċja bejn il-bdiewa ġirien fl-iskambju tal-informazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni (2);

42.   jilqa’ l-attivitajiet tal-Kummissjoni mmirati biex jiżguraw użu sigur u effettiv tal-bijoteknoloġija moderna fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u t-trawwim tal-kapaċità ta’ dawn l-Istati biex jevalwaw u jiġġestjonaw ir-riskju, sabiex jiġu appoġġjati l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ġenetiċi ta’ dawn il-pajjiżi (2);

43.   jenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati metodoloġiji ta’ evalwazzjoni tas-sigurtà adatti għan-nanoteknoloġiji, u li jitwaqqaf qafas ta’ politika u regolatorju adatt qabel ma jkun hemm iktar penetrazzoni tas-suq;

44.   jenfasizza l-bżonn li tingħata prijorità lill-iżvilupp ta’ evalwazzjoni iktar soda tas-sostenibbiltà tat-teknoloġiji, b’enfasi partikulari fuq l-iżvilupp bikri, jiġifieri ħafna qabel ma jintlaħaq stadju qrib it-tqegħid fis-suq; jinnota li eventwalment dan jista’ jwassal għall-elaborazzjoni ta’ oqfsa ta’ metodoloġija indipendenti għall-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju, u għal studji dwar l-impatt soċjali;

45.   isejjaħ għal rwol iktar b’saħħtu għat-taqsimiet kollha tal-Kummissjoni, b’ħarsa lejn il-ġejjieni, b’mod partikulari fil-qasam tat-teknoloġija, sabiex il-problemi l-ġodda jkunu jistgħu jiġu identifikati kemm jista’ jkun kmieni. Ir-rilevanza, il-koerenza u l-effettività tal-leġislazzjoni u l-politiki kif ukoll l-implimentazzjoni u l-effetti soċjali u ekonomiċi tagħhom għandhom jiġu eżaminati (2).

Brussell, 14 ta’ April 2010.

L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Ramón Luis VALCÁRCEL SISO


(1)  CdR 39/2006 fin.

(2)  CdR 174/2007 fin.

(3)  CdR 283/2008 fin.

(4)  CdR 83/2007 fin.

(5)  CdR 263/2007 fin.