ISSN 1725-5015

doi:10.3000/17255015.C_2010.177.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 177

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
2 ta' Lulju 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2010/C 177/01

Verżjoni Konsolidata tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1991

1

3

2010/C 177/02

Verżjoni Konsolidata tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991

37

39

2010/C 177/03

Verżjoni Konsolidata tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea tal-25 ta' Lulju 2007

71

MT

 


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

2.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/1


VERŻJONI KONSOLIDATA TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

(2010/C 177/01)

L-edizzjoni preżenti tikkonsolida:

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea tad-19 ta' Ġunju 1991 (ĠU L 176 ta' l-4.7.1991, p. 7, u ĠU L 383 tad-29.12.1992, p. 177 – rettifiki) u l-emendi li jirriżultaw mill-atti segwenti:

1.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta' Frar 1995 (ĠU L 44 tat-28.2.1995, p. 61),

2.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-11 ta' Marzu 1997 (ĠU L 103 tad-19.4.1997, p. 1, u ĠU L 351 tat-23.12.1997, p. 72 – rettifika),

3.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tas-16 ta' Mejju 2000 (ĠU L 122 tal-24.4.2000, p. 43),

4.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-28 ta' Novembru 2000 (ĠU L 322 tad-19.12.2000, p. 1),

5.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-3 ta' April 2001 (ĠU L 119 tas-27.4.2001, p. 1),

6.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta' Settembru 2002 (ĠU L 272 tal-10.10.2002, p. 24, u ĠU L 281 tad-19.10.2002, p. 24 – rettifika).

7.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 2003 (ĠU L 147 tal-14.6.2003, p. 17)

8.

Id-Deċiżjoni emendata ta' l-10 ta' Ġunju 2003 dwar il-jiem ta' vakanza annessa mar-Regoli tal-Proċedura (ĠU L 172 ta' l-10.7.2003, p. 12)

9.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tad-19 ta' April 2004 (ĠU L 132 tad-29.4.2004, p. 2).

10.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-20 ta' April 2004 (ĠU L 127 tad-29.4.2004, p. 107).

11.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Lulju 2005 (ĠU L 203 ta' l-4.8.2005, p. 19).

12.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta' Ottubru 2005 (ĠU L 288 tad-29.10.2005, p. 51).

13.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta' Diċembru 2006 (ĠU L 386 tad-29.12.2006, p. 44ĠU L 332 tat-18.12.2007, p. 108109 – rettifiki).

14.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta' Jannar 2008 (ĠU L 24 tad-29.01.2008, p. 39).

15.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tat-23 ta' Ġunju 2008 (ĠU L 200 tad-29.07.2008, p. 20).

16.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' Lulju 2008 (ĠU L 200 tad-29.07.2008, p. 18).

17.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta' Jannar 2009 (ĠU L 24 tat-28.01.2009, p. 8).

18.

L-Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tat-23 ta' Marzu 2010 (ĠU L 92 tat-13 ta' April 2010, p. 12).

L-edizzjoni preżenti ma għandhiex forza legali u, għalhekk, il-preamboli tħallew barra.

 


VERŻJONI KONSOLIDATA TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

tad-19 ta’ Ġunju 1991  (1)

WERREJ

Dispożizzjoni preliminari (Artikolu 1)

 

Titolu 1

– Fuq l-organizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Kapitolu I

– Fuq l-Imhallfin u l-Avukati Ġenerali (Art. 2 sa 6)

Kapitolu II

– Fuq il-Presidenza tal-Qorti u fuq il-kostituzzjoni ta’ l-Awli (Art. 7 sa 11)

Kapitolu IIa

– Fuq il-Kulleġġi Ġudikanti (Art. 11a sa 11e)

Kapitolu III

– Fuq ir-Reġistru

L-Ewwel Taqsima

– Fuq ir-Reġistratur u fuq l-Assistenti Reġistraturi (Art.12 sa 19)

It-Tieni Taqsima

– Fuq id-Dipartimenti tal-Qorti (Art. 20 sa 23)

Kapitolu IV

– Fuq l-Assistenti Relaturi (Art. 24)

Kapitolu V

– Fuq il-Mod kif taħdem il-Qorti (Art. 25 sa 28)

Kapitolu VI

– Fuq is-Sistema Lingwistika (Art. 29 sa 31)

Kapitolu VII

– Fuq id-Drittijiet u l-Obbligi ta’ l-Aġenti, tal-Konsulenti u ta’ l-Avukati (Art. 32 sa 36)

Titolu 2

– Fuq il-Proċedura

Kapitolu I

– Fuq il-Proċedura bil-Miktub (Art. 37 sa 43)

Kapitolu Ia

– Fuq ir-Rapport Preliminari u fuq ir-Rinviju lill-Kulleġġi Ġudikanti (Art. 44 sa 44a)

Kapitolu II

– Fuq l-Istruttorja u l-Miżuri Preparatorji

L-Ewwel Taqsima

– Fuq il-Miżuri ta’ Istruttorja (Art. 45 u 46)

It-Tieni Taqsima

– Fuq it-Taħrika u l-Eżami tax-Xhieda u tal-Periti (Art. 47 sa 53)

It-Tielet Taqsima

– Fuq l-Għeluq ta’ l-Istruttorja (Art. 54)

Ir-Raba’ Taqsima

– Fuq il-Miżuri Preparatorji (Art. 54a)

Kapitolu III

– Fuq il-Proċedura Orali (Art.55 sa 62)

Kapitolu IIIa

– Fuq il-Proċeduri Mħaffa (Art. 62a)

Kapitolu IV

– Fuq is-Sentenzi (Art. 63 sa 68)

Kapitolu V

– Fuq l-Ispejjeż (Art. 69 sa 75)

Kapitolu VI

– Fuq il-Benefiċċju ta’ l-Għajnuna Legali bla Ħlas (Art.76)

Kapitolu VII

– Fuq ir-Rinunzja għall-Atti (Art. 77 sa 78)

Kapitolu VIII

– Fuq in-Notifiki (Art. 79)

Kapitolu IX

– Fuq it-Termini (Art. 80 sa 82)

Kapitolu X

– Fuq is-Sospensjoni tal-Proċeduri (Art. 82a)

Titolu 3

– Fuq il-Proċeduri Speċjali

Kapitolu I

– Fuq is-Sospensjoni ta’ l-Eżekuzzjoni u fuq Miżuri Provviżorji oħra permezz tal-Proċedura Sommarja (Art. 83 sa 90)

Kapitolu II

– Fuq Kwistjonijiet Proċedurali (Art. 91 u 92)

Kapitolu III

– Fuq l-Intervent (Art. 93)

Kapitolu IV

– Fuq is-Sentenzi mogħtija fil-każ ta’ kontumaċja u fuq l-oppożizzjoni (Art. 94)

Kapitolu V

– (Art. 95 u 96 - imħassra)

Kapitolu VI

– Fuq Rimedji Eċċezzjonali

L-Ewwel Taqsima

– Fuq l-Oppożizzjoni minn Terzi (Art. 97)

It-Tieni Taqsima

– Fuq ir-Reviżjoni (Art. 98 sa 100)

Kapitolu VII

– Fuq ir-Rikorsi kontra d-Deċiżjonijiet tal-Kumitat ta’ Arbitraġġ (Art. 101)

Kapitolu VIII

– Fuq l-Interpretazzjoni tas-Sentenzi (Art. 102)

Kapitolu IX

– Fuq ir-Rinviji għal Deċiżjonijiet Preliminari u fuq Proċeduri Oħra ta’ Interpretazzjoni (Art. 103 sa 104b)

Kapitolu X

– Fuq il-Proċeduri Speċjali previsti mill-Artikoli 103 sa 105 TKEEA (Art. 105 u 106)

Kapitolu XI

– Fuq l-Opinjonijiet (Art. 107 sa 108) (Art. 109 imħassar)

Kapitolu XII

– (Art. 109a imħassar)

Kapitolu XIII

– Fuq is-Soluzzjoni tal-Kontroversji previsti mill-Artikolu 35 tat-Trattat dwar l-Unjoni, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona (Art. 109b)

Titolu 4

– Fuq l-Appelli mid-Deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali (Art. 110 sa 123)

Titolu 4a

– Fuq l-Eżami mill-ġdid tad-Deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali (Art. 123a sa 123e)

Titolu 5

– Fuq il-Proċeduri previsti mill-Ftehim ŻEE (Art. 123f u 123g)

Dispozizzjonijiet Finali (Art. 124 sa 127)

 

Anness

– Deċiżjoni fuq il-Jiem ta’ Vakanza

DISPOŻIZZJONI PRELIMINARI

Artikolu 1

F’dawn ir-Regoli:

id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huma indikati bin-numru ta’ l-artikolu segwit mill-akronimu “TUE”,

id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea huma indikati bin-numru ta’ l-artikolu kkonċernat ta’ dan it-Trattat, segwit mill-akronimu “TFUE”,

id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika huma indikati bin-numru ta’ l-artikolu segwit mill-akronimu “TKEEA”,

il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea huwa msejjaħ “Statut”,

il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea huwa msejjaħ “Ftehim ŻEE”

Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regoli:

il-kelma “istituzzjonijiet” tfisser l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni u l-korpi jew l-orġani maħluqa mit-Trattati jew minn att adottat in eżekuzzjoni tagħhom u li jistgħu jidhru quddiem il-Qorti,

“Awtorità tas-Sorveljanza EFTA” tfisser l-awtorità tas-sorveljanza prevista mill-Ftehim ŻEE.

TITOLU I

FUQ L-ORGANIZZAZZJONI TAL-QORTI

Kapitolu I

FUQ L-IMĦALLFIN U L-AVUKATI ĠENERALI

Artikolu 2

It-terminu tal-kariga ta’ Mħallef jibda jiddekorri mid-data stabbilita għal dan fl-att tal-ħatra tiegħu. Jekk l-att tal-ħatra tiegħu ma jistabbilixxix data, it-terminu għandu jibda jiddekorri mid-data ta’ dak l-att.

Artikolu 3

1.   Qabel ma jibdew jaqdu d-dmirijiet tal-kariga tagħhom, l-Imħallfin, fl-ewwel seduta pubblika tal-Qorti li huma jattendu wara l-ħatra tagħhom, jieħdu l-ġurament segwenti:

“Jiena naħlef li naqdi d-dmirijiet tiegħi b’imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza; jiena naħlef li nżomm sigrieti d-deliberazzjonijiet tal-Qorti.”

2.   Minnufih wara li jieħdu l-ġurament, l-Imħallfin jiffirmaw dikjarazzjoni li biha jintrabtu solennement li jirrispettaw, matul il-perijodu tal-kariga tagħhom u wara t-tmiem tagħha, l-obbligi li joħorġu minnha, b’mod partikolari l-obbligi ta’ onestà u ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-aċċettazzjoni, wara t-tmiem ta’ din il-kariga, ta’ ċerti ħatriet u ta’ ċerti benefiċċji.

Artikolu 4

Fil-każijiet meta l-Qorti tiġi mitluba tiddeċiedi dwar jekk Imħallef għadx għandu r-rekwiżiti meħtieġa jew jekk għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu, il-President għandu jistieden lill-Imħallef ikkonċernat jidher quddiem il-Qorti in camera sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur.

Artikolu 5

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli wkoll għall-Avukati Ġenerali.

Artikolu 6

L-ordni tal-preċedenza fost l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali huwa stabbilit, mingħajr distinzjoni, skond l-anzjanità fil-kariga.

Fil-każ li jkun hemm l-istess anzjanità fil-kariga, il-preċedenza għandha tkun stabbilita skond l-età.

Dawk l-Imħallfin u Avukati Ġenerali li fi tmiem il-kariga tagħhom jerġgħu jiġu maħtura mill-ġdid iżommu l-preċedenza li kellhom qabel.

Kapitolu II

FUQ IL-PRESIDENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA U FUQ IL-KOSTITUZZJONI TA’ L-AWLI

Artikolu 7

1.   Minnufih wara s-sostituzzjoni parzjali prevista mill-Artikolu 253 TFUE, l-Imħallfin għandhom jeleġġu wieħed minn fosthom bħala l-President tal-Qorti għal terminu ta’ tliet snin.

2.   Fil-każ li l-mandat tal-President tal-Qorti jintemm qabel ma jiskadi t-terminu normali tal-kariga tiegħu, huwa għandu jiġi ssostitwit għall-perijodu li jkun fadal.

3.   Fl-elezzjonijiet previsti minn dan l-Artikolu, il-vot għandu jkun sigriet. Jiġi elett l-Imħallef li jikseb il-voti ta’ aktar minn nofs l-Imħallfin li jikkomponu l-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk l-ebda Mħallef ma jikseb din il-maġġoranza, isiru aktar votazzjonijiet sakemm tintlaħaq din il-maġġoranza.

Artikolu 8

Il-President imexxi l-attivitajiet u d-dipartimenti tal-Qorti; huwa jippresjedi fis-seduti, kif ukoll fid-deliberazzjonijiet in camera.

Artikolu 9

1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twaqqaf fi ħdanha Awli bi tliet u b’ħames Imħallfin, skond l-Artikolu 16 ta’ l-Istatut, u għandha tiddeċiedi liema Mħallfin għandhom jiġu assenjati lill-istess Awli.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħżel l-Awla jew l-Awli b’ħames Imħallfin li, għal perijodu ta’ sena, ikunu inkarigati mill-kawżi msemmija fl-Artikolu 104b.

L-assenjazzjoni ta’ l-Imħallfin lill-Awli u l-għażla ta’ l-Awla jew l-Awli inkarigati mill-kawżi msemmija fl-Artikolu 104b għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.

2.   Malli jiġi ppreżentat rikors, il-President tal-Qorti għandu jaħtar Imħallef Relatur.

Għall-kawżi msemmija fl-Artikolu 104b, l-Imħallef Relatur għandu jinħatar minn fost l-Imħallfin ta’ l-Awla magħżula skond il-paragrafu 1, fuq proposta tal-President ta’ din l-Awla. Jekk l-Awla tiddeċiedi li l-kawża m’għandhiex tinstema’ skond il-proċedura b’urġenza, il-President tal-Qorti jista’ jassenja l-kawża mill-ġdid lil Imħallef Relatur li jifforma parti minn Awla oħra.

Il-President tal-Qorti għandu jieħu l-miżuri neċessarji fil-każ ta’ assenza jew impediment ta’ Mħallef Relatur.

3.   Fil-każ ta’ kawżi assenjati lil xi kulleġġ ġudikanti skond l-Artikolu 44(3), il-kelma “Qorti tal-Ġustizzja” f’dawn ir-Regoli tirreferi wkoll għal dan il-kulleġġ.

4.   Fil-kawżi assenjati lil Awla b’ħames jew bi tliet Imħallfin, is-setgħat tal-President tal-Qorti jiġu eżerċitati mill-President ta’ dik l-Awla.

Artikolu 10

1.   Minnufih wara l-elezzjoni tal-President tal-Qorti, l-Imħallfin għandhom jipproċedu sabiex jeleġġu l-Presidenti ta’ l-Awli b’ħames Imħallfin, għal terminu ta’ tliet snin.

L-Imħallfin għandhom jeleġġu l-Presidenti ta’ l-Awli bi tliet Imħallfin għal terminu ta’ sena.

Il-Qorti għandha taħtar l-Avukat Ġenerali Prinċipali għal terminu ta’ sena.

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(2) u (3) huma applikabbli.

L-elezzjonijiet u l-ħatriet magħmula skond dan il-paragrafu għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.

2.   L-Avukat Ġenerali Prinċipali għandu jassenja kawża lil wieħed minn fost l-Avukati Ġenerali malli jkun inħatar l-Imħallef Relatur. Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment ta’ xi Avukat Ġenerali, l-Avukat Ġenerali Prinċipali għandu jieħu l-miżuri neċessarji.

Artikolu 11

Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment tal-President tal-Qorti jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti, il-funzjonijiet ta’ din il-kariga għandhom jiġu eżerċitati minn wieħed mill-Presidenti ta’ l-Awli b’ħames Imħallfin skond l-ordni stabbilit mill-Artikolu 6 ta’ dawn ir-Regoli.

Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment kemm tal-President tal-Qorti kif ukoll tal-Presidenti ta’ l-Awli b’ħames Imħallfin, jew fil-każ li l-karigi tagħhom ikunu kollha vakanti, il-funzjonijiet tal-presidenza għandhom jiġu eżerċitati minn wieħed mill-Presidenti ta’ l-Awli bi tliet Imħallfin skond l-ordni stabbilit mill-Artikolu 6 ta’ dawn ir-Regoli.

Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment kemm tal-President tal-Qorti kif ukoll tal-Presidenti kollha ta’ l-Awli, jew fil-każ li l-karigi tagħhom ikunu kollha vakanti, il-funzjonijiet tal-presidenza għandhom jiġu eżerċitati minn wieħed mill-Imħallfin l-oħra skond l-ordni stabbilit mill-Artikolu 6 ta’ dawn ir-Regoli.

Kapitolu IIa

FUQ IL-KULLEĠĠI ĠUDIKANTI

Artikolu 11a

Il-Qorti tiltaqa’ fil-kulleġġi ġudikanti li ġejjin:

is-Seduta Plenarja, komposta mill-Imħallfin kollha;

l-Awla Manja, komposta minn tlettax-il Imħallef, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11c,

l-Awli, komposti minn ħames jew minn tliet Imħallfin skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11d.

Artikolu 11b

1.   L-Awla Manja hija komposta, għal kull kawża, mill-President tal-Qorti, mill-Presidenti ta’ l-Awli b’ħames Imħallfin, mill-Imħallef Relatur u minn dak in-numru ta’ Mħallfin li hemm bżonn sabiex jintlaħaq total ta’ tlettax. Dawn l-Imħallfin jiġu maħtura mil-lista stabbilita fil-paragrafu 2, skond l-ordni indikat fiha. B’dan illi, għal kull kawża assenjata quddiem l-Awla Manja, l-ewwel isem ta’ Mħallef għandu jkun dak li jsegwi minnufih wara l-aħħar Imħallef maħtur abbażi tal-lista għall-kawża assenjata preċedentement lil dak il-kulleġġ ġudikanti.

2.   Wara l-elezzjoni tal-President tal-Qorti u tal-Presidenti ta’ l-Awli b’ħames Imħallfin, għandha ssir lista ta’ l-Imħallfin l-oħra sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni ta’ l-Awla Manja. Din il-lista għandha ssegwi l-ordni ta’ preċedenza stabbilit mill-Artikolu 6 ta’ dawn ir-Regoli, u għandha talterna fl-ordni invers: l-ewwel Imħallef fuq din il-lista għandu jkun l-ewwel wieħed skond l-ordni stabbilit mill-imsemmi Artikolu, it-tieni Mħallef fuq il-lista għandu jkun l-aħħar wieħed skond dak l-ordni, it-tielet Imħallef għandu jkun it-tieni wieħed skond dak l-ordni, ir-raba’ Mħallef għandu jkun ta’ qabel ta’ l-aħħar skond dak l-ordni u hekk il-bqija.

Il-lista għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.

3.   Għandhom jipparteċipaw ukoll żewġ Imħallfin supplenti fil-kawżi li, mill-bidu ta’ sena ta’ sostituzzjoni parzjali ta’ l-Imħallfin u sakemm din is-sostituzzjoni tkun seħħet, huma assenjati quddiem l-Awla Manja. Iż-żewġ Imħallfin li jidhru fil-lista prevista fil-paragrafu 2, minnufih wara l-aħħar Imħallef maħtur għall-kompożizzjoni ta’ l-Awla Manja għal dik il-kawża, għandhom jaqdu d-dmirijiet ta’ Mħallfin supplenti.

L-Imħallfin supplenti għandhom jissostitwixxu, fl-ordni tal-lista stabbilita fil-paragrafu 2, l-Imħallfin li, skond il-każ, ma jkunux jistgħu jipparteċipaw fid-deċiżjoni dwar il-kawża.

Artikolu 11c

1.   L-Awli b’ħames Imħallfin u bi tliet Imħallfin għandhom ikunu komposti, għal kull kawża, mill-President ta’ l-Awla, mill-Imħallef Relatur, u minn dak in-numru ta’ Mħallfin li hemm bżonn sabiex jintlaħaq total ta’ ħames u tliet Imħallfin rispettivament. Dawn l-Imħallfin għandhom jiġu maħtura abbażi tal-listi previsti fil-paragrafu 2, skond l-ordni indikat fiha. B’dan illi, għal kull kawża assenjata lill-Awla, l-ewwel isem ta’ Mħallef għandu jkun dak li jsegwi minnufih wara l-aħħar Imħallef maħtur abbażi tal-lista għall-kawża assenjata preċedentement lill-Awla kkonċernata.

2.   Wara l-elezzjoni tal-Presidenti ta’ l-Awli, għandhom isiru listi għall-kompożizzjoni ta’ l-Awli b’ħames Imħallfin li jinkludu l-Imħallfin kollha assenjati lill-Awla kkonċernata, minbarra l-President ta’ l-istess Awla. Il-listi għandhom jiġu stabbiliti bl-istess mod bħal dak previst mill-Artikolu 11b(2).

Wara l-elezzjoni tal-Presidenti ta’ l-Awli, għandhom isiru listi għall-kompożizzjoni ta’ l-Awli bi tliet Imħallfin li jinkludu l-Imħallfin kollha assenjati lill-Awla kkonċernata, minbarra l-President ta’ l-istess Awla. Il-listi għandhom jiġu stabbiliti bl-istess mod previst mill-Artikolu 6 ta’ dawn ir-Regoli.

Il-listi msemmija f’dan il-paragrafu għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11d

1.   Fejn il-Qorti jidrilha li diversi kawżi għandhom jiġu deċiżi flimkien mill-istess kulleġġ, il- kompożizzjoni ta’ dan il-kulleġġ għandha tkun dik stabbilita għal dik il-kawża li r-rapport preliminari tagħha jkun ġie eżaminat l-ewwel.

2.   Meta Awla li lilha ġiet assenjata kawża tirrinvija l-istess kawża lill-Qorti bis-saħħa ta’ l-Artikolu 44(4), biex tiġi riassenjata lil kulleġġ ġudikanti akbar, dan il-kulleġġ ġudikanti għandu jinkludi l-membri ta’ l-Awla li tkun għamlet dan ir-rinviju.

Artikolu 11e

Fil-każ ta’ impediment ta’ membru tal-kulleġġ ġudikanti, huwa għandu jiġi sostitwit minn Imħallef ieħor skond l-ordni stabbilit fil-listi mill-Artikoli 11b(2) jew 11c(2).

Fil-każ ta’ impediment tal-President tal-Qorti, il-funzjonijiet tal-President ta’ l-Awla Manja għandhom jiġu eżerċitati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11.

Fil-każ ta’ impediment ta’ President ta’ Awla b’ħames Imħallfin, il-funzjonijiet ta’ President ta’ Awla għandhom jiġu eżerċitati minn President ta’ Awla bi tliet Imħallfin, jekk ikun il-każ skond l-ordni stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ dawn ir-Regoli, jew, jekk f’dak il-kulleġġ m’hemm ebda President ta’ Awla bi tliet Imħallfin, minn wieħed mill-Imħallfin l-oħra skond l-ordni stabbilit fl-imsemmi Artikolu 6.

Fil-każ ta’ impediment ta’ President ta’ Awla bi tliet Imħallfin, il-funzjonijiet ta’ President ta’ Awla għandhom jiġu eżerċitati minn Imħallef tal-Kulleġġ skond l-ordni stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ dawn ir-Regoli.

Kapitolu III

FUQ IR-REĠISTRU

L-Ewwel Taqsima – Fuq ir-Reġistratur u fuq l-Assistenti Reġistraturi

Artikolu 12

1.   Il-Qorti għandha taħtar ir-Reġistratur.

Ġimgħatejn qabel id-data stabbilita għall-ħatra, il-President għandu jinforma lill-membri tal-Qorti bl-applikazzjonijet li jkunu ġew ippreżentati.

2.   L-applikazzjonijiet għandhom ikollhom magħhom l-informazzjoni kollha dwar l-età, in-nazzjonalità, il-kwalifiki universitarji, il-konoxxenza tal-lingwi, il-karigi attwali u preċedenti, kif ukoll l-esperjenza ta’ l-applikanti fil-qasam ġudizzjarju u internazzjonali.

3.   Il-ħatra ssir skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(3) ta’ dawn ir-Regoli.

4.   Ir-Reġistratur huwa maħtur għal perijodu ta’ sitt snin. Huwa jista’ jerġa jinħatar.

5.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli għar-Reġistratur.

6.   Ir-Reġistratur m’għandux jitneħħa mill-kariga tiegħu jekk mhux minħabba li m’għadx għandu r-rekwiżiti meħtieġa jew jekk m’għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu; il-Qorti għandha tieħu deċiżjoni wara li tkun tat lir-Reġistratur l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

7.   Jekk ir-Reġistratur jieqaf milli jeżerċita l-kariga qabel ma jiskadi t-terminu tal-mandat tiegħu, il-Qorti għandha taħtar Reġistratur ġdid għall-perijodu ta’ sitt snin.

Artikolu 13

Il-Qorti tista’ taħtar, skond il-proċedura prevista għall-ħatra tar-Reġistratur, wieħed jew aktar Assistenti Reġistraturi, inkarigati li jassistu lir-Reġistratur u li jissostitwuh fil-limiti stabbiliti mill-istruzzjonijiet lir-Reġistratur previsti fl-Artikolu 15 ta’ dawn ir-Regoli.

Artikolu 14

Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment tar-Reġistratur u ta’ l-Assistenti Reġistraturi jew fil-każ li l-kariga tagħhom tkun vakanti, il-President għandu jinnomina uffiċjali jew aġenti oħra sabiex iwettqu d-dmirijiet tar-Reġistratur.

Artikolu 15

L-istruzzjonijiet lir-Reġistratur għandhom jiġu stabbiliti mill-Qorti fuq proposta tal-President.

Artikolu 16

1.   Għandu jinżamm fir-Reġistru, taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur, reġistru, li fih jiġu mniżżla, skond l-ordni tal-preżentata, l-atti kollha tal-proċedura u d-dokumenti ppreżentati in sostenn tagħhom.

2.   Ir-Reġistratur għandu jagħmel notament fuq id-dokumenti oriġinali dwar ir-reġistrazzjoni u, fuq talba tal-partijiet, fuq il-kopji li huma jippreżentaw għal dak l-iskop.

3.   Ir-reġistrazzjoni u n-notamenti msemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom il-valur ta’ atti awtentiċi.

4.   Ir-regoli dwar kif għandu jinżamm ir-reġistru għandhom jiġu stabbiliti mill-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur previsti mill-Artikolu 15 ta’ dawn ir-Regoli.

5.   Kull min huwa interessat, jista’ jikkonsulta r-reġistru u jikseb kopji jew estratti bi ħlas skond it-tariffa tar-Reġistru stabbilita mill-Qorti fuq proposta tar-Reġistratur.

Barra minn dan, kull parti fil-kawża tista’ tikseb, bi ħlas skond it-tariffa tar-Reġistru, kopji ta’ l-atti tal-proċedura kif ukoll kopji awtentikati tad-digrieti u tas-sentenzi.

6.   Għandu jiġi ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea li juri d-data tar-reġistrazzjoni tar-rikors, l-isem u l-indirizz tal-partijiet, is-suġġett tal-kawża u t-talbiet tar-rikors kif ukoll indikazzjoni tar-raġunijiet u ta’ l-argumenti prinċipali invokati.

7.   Meta l-Kunsill jew il-Kummissjoni Ewropea ma jkunux parti fil-kawża, il-Qorti għandha tibgħatilhom kopja tar-rikors u tar-risposta tad-difiża, mingħajr l-annessi, sabiex ikunu jistgħu jikkonstataw jekk tkunx qiegħda tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta’ xi att li kien ġie adottat minnhom skond l-Artikolu 277 TFUE. Kopja tar-rikors u tar-risposta tad-difiża għandhom, bl-istess mod, jintbagħtu lill-Parlament Ewropew sabiex dan ikun jista’ jikkonstata jekk tkunx qiegħda tiġi invokata l-inapplikabiltà ta’ xi att adottat minnu flimkien mal-Kunsill skond l-Artikolu 277 TFUE.

Artikolu 17

1.   Ir-Reġistratur huwa inkarigat li, taħt l-awtorità tal-President, jirċievi, jibgħat, u jżomm fil-kustodja tiegħu d-dokumenti kollha kif ukoll li jwettaq in-notifiki previsti minn dawn ir-Regoli.

2.   Ir-Reġistratur għandu jgħin lill-Qorti, lill-President, lill-Presidenti ta’ l-Awli u lill-Imħallfin fl-atti kollha tal-kariga tagħhom.

Artikolu 18

Ir-Reġistratur għandu l-kustodja tas-siġilli. Huwa responsabbli għall-arkivji u jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tal-Qorti.

Artikolu 19

Salv għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4 u 27 ta’ dawn ir-Regoli, ir-Reġistratur għandu jattendi għas-seduti tal-Qorti u ta’ l-Awli.

It-Tieni Taqsima – Fuq id-Dipartimenti tal-Qorti

Artikolu 20

1.   L-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Qorti għandhom jiġu maħtura skond id-dispożizzjonijiet tar-Regoli dwar il-persunal.

2.   Qabel ma jibdew jaqdu d-dmirijiet tal-kariga tagħhom, l-uffiċjali għandhom jieħdu l-ġurament li ġej, quddiem il-President u fil-preżenza tar-Reġistratur:

“Jiena naħlef li naqdi bil-lealtà, bid-diskrezzjoni u bil-kuxjenza kollha d-dmirijiet li jiġu fdati lili mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea.”

Artikolu 21

Fuq proposta tar-Reġistratur, il-Qorti għandha tistabbilixxi u timmodifika l-pjan ta’ l-organizzazzjoni tad-Dipartimenti tagħha.

Artikolu 22

Il-Qorti għandha twaqqaf dipartiment lingwistiku, kompost minn esperti li għandhom taħriġ ġuridiku adegwat u għarfien wiesgħa ta’ numru ta’ lingwi uffiċjali tal-Qorti.

Artikolu 23

Ir-Reġistratur, flimkien ma’ amministratur u taħt l-awtorità tal-President, għandu jassigura l-amministrazzjoni tal-Qorti, it-tmexxija finanzjarja u l-kontabbiltà.

Kapitolu IV

FUQ L-ASSISTENTI RELATURI

Artikolu 24

1.   Il-Qorti għandha tipproponi l-ħatra ta’ Assistenti Relaturi, skond l-Artikolu 13 ta’ l-Istatut, jekk jidhrilha li huwa neċessarju għall-eżami u l-istruttorja tal-kawżi li għandha quddiemha.

2.   L-Assistenti Relaturi jkunu responsabbli b’mod partikolari:

li jgħinu lill-President fil-każ ta’ proċedura sommarja,

li jgħinu lill-Imħallfin Relaturi fix-xogħol tagħhom.

3.   Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, l-Assistenti Relaturi huma responsabbli lejn il-President tal-Qorti, lejn il-President ta’ waħda mill-Awli, jew lejn l-Imħallef Relatur, skond il-każ.

4.   Qabel ma jibdew jaqdu d-dmirijiet tal-kariga tagħhom, l-Assistenti Relaturi għandhom jieħdu l-ġurament quddiem il-Qorti, skond l-Artikolu 3 ta’ dawn ir-Regoli.

Kapitolu V

FUQ IL-MOD KIF TAĦDEM IL-QORTI

Artikolu 25

1.   Id-dati u l-ħinijiet tas-seduti ta’ l-Awla Manja u tal-Qorti Plenarja għandhom jiġu stabbiliti mill-President.

2.   Id-dati u l-ħinijiet tas-seduti ta’ l-Awli b’ħames jew tliet Imħallfin għandhom jiġu stabbiliti mill-President ta’ kull waħda mill-Awli.

3.   Il-Qorti tista’, għal waħda jew aktar seduti speċifiċi, tagħżel post differenti minn dak fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha.

Artikolu 26

1.   Jekk, minħabba assenza jew impediment, l-Imħallfin jinsabu f’numru biż-żewġ, l-Imħallef li huwa l-anqas anzjan skond l-Artikolu 6 ta’ dawn ir-Regoli għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni, ħlief jekk ikun l-Imħallef Relatur. F’dan il-każ, huwa l-Imħallef li jiġi minnufih qablu fl-ordni ta’ preċedenza li għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni.

2.   Jekk meta tiġi msejħa l-Awla Manja jew is-seduta Plenarja, il-kworum previst fit-tielet jew ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 17 ta’ l-Istatut ma jintlaħaqx, il-President għandu jaġġorna s-seduta sakemm tali kworum jintlaħaq.

3.   Jekk f’Awla b’ħames jew tliet Imħallfin, il-kworum previst fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 17 ta’ l-Istatut ma jintlaħaqx u jekk ma jkunx possibbli li ssir sostituzzjoni ta’ l-Imħallfin impediti skond l-Artikolu 11e, il-President ta’ dik l-Awla għandu jinforma lill-President tal-Qorti, li għandu jinnomina Mħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

Artikolu 27

1.   Il-Qorti għandha tiddelibera in camera.

2.   Fid-deliberazzjoni għandhom jieħdu sehem biss l-Imħallfin li jkunu attendew għall-proċedura orali u, jekk ikun il-każ, l-Assistent Relatur inkarigat mill-eżami tal-kawża.

3.   Kull wieħed mill-Imħallfin preżenti għad-deliberazzjoni għandu jagħti l-opinjoni tiegħu u r-raġunijiet għaliha.

4.   Fuq talba ta’ Mħallef, kull punt jista’ jiġi fformulat fil-lingwa li jagħżel hu, u jiġi kkomunikat bil-miktub lill-Qorti qabel ma jittieħed vot fuqu.

5.   Il-konklużjonijiet adottati wara d-diskussjoni finali mill-maġġoranza ta’ l-Imħallfin għandhom jiddeterminaw id-deċiżjoni tal-Qorti. Il-voti għandhom jingħataw bl-ordni invers minn dak stabbilit mill-Artikolu 6 ta’ dawn ir-Regoli.

6.   Il-Qorti għandha tiddeċiedi fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar l-iskop, il-kliem li għandu jintuża fil-mistoqsijiet, l-ordni tal-mistoqsijiet, jew l-interpretazzjoni tal-vot.

7.   Meta d-deliberazzjonijiet tal-Qorti jirrigwardaw punti amministrattivi, l-Avukati Ġenerali għandhom jieħdu sehem fihom u jkollhom il-vot. Ir-Reġistratur għandu jkun preżenti, ħlief jekk il-Qorti tiddeċiedi xort’oħra.

8.   Meta l-Qorti tiltaqa’ mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur, hija għandha tinkariga lill-Imħallef li huwa l-inqas anzjan skond l-Artikolu 6 ta’ dawn ir-Regoli sabiex iħejji, jekk ikun hemm bżonn, proċess verbal li għandu jiġi ffirmat mill-President u minn dan l-Imħallef.

Artikolu 28

1.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni speċjali tal-Qorti, il-ferjat huwa stabbilit kif ġej:

mit-18 ta’ Diċembru sa l-10 ta’ Jannar,

mill-Ħadd ta’ qabel l-Għid sat-tieni Ħadd ta’ wara l-Għid,

mill-15 ta’ Lulju sal-15 ta’ Settembru.

Matul il-ferjat, il-funzjonijiet tal-presidenza jiġu eżerċitati fil-post fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha, jew mill-President innifsu, li jżomm kuntatt mar-Reġistratur, jew minn President ta’ Awla jew Imħallef ieħor li jiġi mitlub mill-President sabiex jissostitwih.

2.   Matul il-ferjat, il-President jista’, fil-każ ta’ urġenza, ilaqqa’ lill-Imħallfin u lill-Avukati Ġenerali.

3.   Il-Qorti għandha tosserva l-jiem ta’ vakanza legali tal-post fejn hija għandha s-sede tagħha.

4.   Il-Qorti tista’, għal raġunijiet validi, tagħti lill-Imħallfin u lill-Avukati Ġenerali permess sabiex jieħdu l-leave.

Kapitolu VI

FUQ IS-SISTEMA LINGWISTIKA

Artikolu 29

1.   Il-lingwi tal-kawża huma l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, it-Taljan, l-Ungeriż u l-Iżvediż.

2.   Il-lingwa tal-kawża tintgħażel mir-rikorrent, salv għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)

jekk il-konvenut ikun Stat Membru jew persuna fiżika jew ġuridika minn Stat Membru, il-lingwa tal-kawża għandha tkun il-lingwa uffiċjali ta’ dak l-Istat; fejn l-Istat ikollu aktar minn lingwa uffiċjali waħda, ir-rikorrent għandu l-fakultà li jagħżel dik il-lingwa minn fosthom li jixtieq hu;

b)

fuq talba konġunta tal-partijiet, l-użu totali jew parzjali ta’ lingwa oħra minn fost il-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi awtorizzat;

ċ)

fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, u wara li l-parti l-oħra u l-Avukat Ġenerali jinstemgħu, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tas-subparagrafi a) u b), jista’ jiġi awtorizzat l-użu totali jew parzjali ta’ waħda oħra mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bħala lingwa tal-kawża; din it-talba ma tistax tiġi magħmula minn waħda mill-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 103 ta’ dawn ir-Regoli, il-lingwa tal-kawża għandha tkun dik tal-qorti nazzjonali li tirrinvija t-talba lill-Qorti. Fuq talba debitament ġustifikata ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, u wara li l-parti l-oħra fil-kawża prinċipali u l-Avukat Ġenerali jinstemgħu, jista’ jiġi awtorizzat l-użu ta’ waħda mil-lingwi l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu matul il-proċedura orali.

Id-deċiżjoni fuq it-talbiet imsemmija hawn fuq tista’ tittieħed mill-President; huwa jista’, u, fil-każ li huwa jkun intenzjonat jaċċetta tali talba mingħajr il-kunsens tal-partijiet kollha, huwa għandu, jirrinvija t-talba lill-Qorti.

3.   Il-lingwa tal-kawża għandha tiġi użata b’mod partikolari fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tal-partijiet u fl-atti u d-dokumenti annessi, kif ukoll fil-proċessi verbali u fid-deċiżjonijiet tal-Qorti.

Kull att u kull dokument ippreżentat jew anness li huwa miktub f’lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża għandu jkollu miegħu traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

Madankollu, fil-każ ta’ atti jew dokumenti voluminużi, jistgħu jiġu ppreżentati traduzzjonijiet ta’ estratti. Il-Qorti tista’, f’kull ħin, ex officio jew fuq talba ta’ xi parti, tordna li ssir traduzzjoni aktar kompluta jew sħiħa.

Minkejja d-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, l-Istati Membri huma awtorizzati jużaw il-lingwa uffiċjali tagħhom meta huma jintervjenu fil-kawża pendenti quddiem il-Qorti jew meta huma jipparteċipaw f’rinviju tat-tip previst mill-Artikolu 103. Din id-dispożizzjoni tiswa kemm għad-dokumenti miktuba kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet orali. It-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża għandha tiġi assigurata f’kull każ mir-Reġistratur.

L-Istati kontraenti tal-Ftehim ŻEE, għajr l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA jistgħu jiġu awtorizzati jużaw waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1, li mhijiex il-lingwa tal-kawża, meta huma jintervjenu f’kawża quddiem il-Qorti jew meta huma jipparteċipaw fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari previsti fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut. Din id-dispożizzjoni tiswa kemm għad-dokumenti miktuba kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet orali. It-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża għandha tiġi assigurata f’kull każ mir-Reġistratur.

L-Istati terzi li jipparteċipaw fi proċeduri għal deċiżjoni preliminari skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut, jistgħu jiġu awtorizzati jużaw waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1, barra mil-lingwa tal-kawża. Din id-dispożizzjoni tiswa kemm għad-dokumenti miktuba kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet orali. It-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża għandha tiġi assigurata f’kull każ mir-Reġistratur.

4.   Fil-każ li x-xhieda jew il-periti jiddikjaraw li huma ma jistgħux jesprimu ruħhom b’mod adegwat f’waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Qorti għandha tawtorizzahom jifformulaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom f’lingwa oħra. Ir-Reġistratur għandu jassigura t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

5.   Il-President tal-Qorti u l-Presidenti ta’ l-Awli fit-tmexxija tat-trattazzjoni, l-Imħallef Relatur fir-rapport preliminari u fir-rapport għas-seduta tal-kawża, l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali meta dawn jagħmlu xi mistoqsijiet, u l-avukati ġenerali meta jagħtu l-konklużjonijiet tagħhom, jistgħu jużaw waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, barra mil-lingwa tal-kawża. Ir-Reġistratur għandu jassigura t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

Artikolu 30

1.   Fuq talba ta’ wieħed mill-Imħallfin, ta’ l-Avukat Ġenerali jew ta’ waħda mill-partijiet, ir-Registratur għandu jassigura li ssir it-traduzzjoni ta’ kull ma ntqal jew inkiteb matul il-proċeduri quddiem il-Qorti, fil-lingwi magħżula minnhom u msemmija fl-Artikolu 29(1).

2.   Il-pubblikazzjonijiet tal-Qorti għandhom isiru fil-lingwi msemmija fl-ewwel Artikolu tar-Regolament Nru 1 tal-Kunsill.

Artikolu 31

It-testi miktuba fil-lingwa tal-kawża jew, jekk ikun il-każ, f’lingwa oħra awtorizzata skond l-Artikolu 29 ta’ dawn ir-Regoli, għandhom jitqiesu bħala awtentiċi.

Kapitolu VII

FUQ ID-DRITTIJIET U L-OBBLIGI TA’ L-AĠENTI, TAL-KONSULENTI U TA’ L-AVUKATI

Artikolu 32

1.   L-aġenti, il-konsulenti u l-avukati li jidhru quddiem il-Qorti jew quddiem awtorità ġudizzjarja mqabbda mill-Qorti permezz ta’ ittra rogatorja, igawdu minn immunità għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom dwar il-kawżi jew il-partijiet.

2.   Barra minn dan, l-aġenti, il-konsulenti u l-avukati jgawdu l-privileġġi u l-faċilitajiet li ġejjin:

a)

l-atti kollha u d-dokumenti li jirrigwardaw il-proċeduri huma eżenti mit-tfittxija u s-sekwestru. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-uffiċjali tad-dwana jew tal-pulizija jistgħu jissiġillaw l-atti u d-dokumenti kkonċernati, li mbagħad jintbagħtu mingħajr dewmien lill-Qorti sabiex jiġu spezzjonati fil-preżenza tar-Reġistratur u tal-parti interessata;

b)

l-aġenti, il-konsulenti u l-avukati għandhom id-dritt li jkollhom dawk il-flus barranin neċessarji sabiex iwettqu l-inkarigu tagħhom;

ċ)

l-aġenti, il-konsulenti u l-avukati għandhom id-dritt jivvjaġġaw mingħajr xkiel fejn dan huwa neċessarju għat-twettiq ta’ l-inkarigu tagħhom.

Artikolu 33

Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu preċedenti, il-persuni interessati għandhom jagħtu prova tal-funzjoni tagħhom:

a)

fil-każ ta’ l-aġenti, permezz ta’ dokument uffiċjali maħruġ mill-mandant tagħhom, li minnufih għandu jibgħat kopja lir-Reġistratur;

b)

fil-każ tal-konsulenti u ta’ l-avukati, permezz ta’ dikjarazzjoni ffirmata mir-Reġistratur. Il-validità ta’ din l-dikjarazzjoni għandha tkun limitata għal terminu stabbilit; madankollu, hija tista’ tiġi pprorogata jew mqassra skond it-tul tal-proċedura.

Artikolu 34

Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 32 ta’ dawn ir-Regoli huma mogħtija esklussivament fl-interess tal-kawża.

Il-Qorti tista’ tneħħi l-immunità meta jidhrilha li t-tneħħija tagħha ma tippreġudikax l-interessi tal-kawża.

Artikolu 35

1.   Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hija tal-fehma li l-imġiba ta’ konsulent jew avukat quddiem il-Qorti jew Imħallef tmur kontra d-dekor tal-Qorti jew kontra l-eżiġenzi ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jew li dan il-konsulent jew avukat juża xi drittijiet li huwa għandu bis-saħħa tal-funzjoni tiegħu għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħataw dawn id-drittijiet, hija għandha tinforma b’dan lill-parti interessata. Jekk il-Qorti tinforma b’dan lill-awtoritajiet kompetenti li għalihom hija suġġetta l-parti interessata, hija għandha tibgħat kopja ta’ l-ittra indirizzata lil dawn l-awtoritajiet lill-parti interessata.

Il-Qorti tista’, għall-istess raġunijiet, f’kull ħin u wara li jkunu nstemgħu l-parti interessata u l-Avukat Ġenerali, teskludi lill-parti interessata mill-proċedura permezz ta’ digriet. Dan id-digriet għandu jkollu effett immedjat.

2.   Jekk xi konsulent jew xi avukat jiġi eskluż mill-patroċinju tal-kawża, il-proċedura tiġi sospiża sa ma jiskadi t-terminu ffissat mill-President sabiex il-parti interessata tkun tista’ tqabbad konsulent jew avukat ieħor.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu revokati.

Artikolu 36

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu huma applikabbli wkoll għal għalliema ta’ l-Università li għandhom id-dritt jidhru quddiem il-Qorti skond l-Artikolu 19 ta’ l-Istatut.

TITOLU II

FUQ IL-PROĊEDURA

Kapitolu I

FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB

Artikolu 37

1.   L-oriġinali ta’ l-atti tal-proċedura kollha għandhom jiġu ffirmati mill-aġent jew mill-avukat tal-parti.

L-att, flimkien ma’ l-annessi kollha li jkunu msemmija fih, għandu jiġi ppreżentat flimkien ma’ ħames kopji għall-Qorti u kopja għal kull parti oħra fil-kawża. Dawn il-kopji għandhom ikunu awtentikati mill-parti li tippreżentahom.

2.   Barra minn dan, l-istituzzjonijiet għandhom jissottomettu, fit-termini stabbiliti mill-Qorti, it-traduzzjonijiet ta’ l-atti tal-proċedura kollha għal-lingwi l-oħra msemmija fl-ewwel Artikolu tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1. L-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 37(1) huwa applikabbli.

3.   Kull att tal-proċedura għandu jkun datat. Għall-finijiet tat-termini tal-proċedura hija biss id-data tal-preżentata fir-Reġistru li għandha tiġi kkunsidrata.

4.   Ma’ kull att tal-proċedura għandu jiġi anness faxxiklu, li jiġbor fih l-atti u d-dokumenti ċċitati sabiex isostnu l-att flimkien ma’ nota li telenka l-istess atti u dokumenti.

5.   Jekk, minħabba t-tul ta’ att jew ta’ dokument, jiġu annessi biss estratti ma’ l-att tal-proċedura, l-att jew id-dokument kollu jew kopja sħiħa tiegħu għandha tiġi ddepożitata fir-Reġistru.

6.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 5, id-data li fiha kopja ta’ l-oriġinal iffirmat ta’ att tal-proċedura – inkluża n-nota li telenka l-atti u d-dokumenti prevista mill-paragrafu 4 – tasal fir-Reġistru permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni użat mill-Qorti, għandha tiġi meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-osservanza tat-termini tal-proċedura, sakemm l-oriġinal ta’ l-att iffirmat, flimkien ma’ l-annessi u l-kopji previsti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, jiġi ddepożitat fir-Reġistru sa mhux aktar tard minn għaxart’ijiem wara. L-Artikolu 81(2) m’għandux ikun applikabbli għal dan it-terminu perentorju ta’ għaxart ijiem.

7.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u tal-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, il-Qorti tista’, permezz ta’ deċiżjoni, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom att ta’ proċedura trażmess lir-Reġistru b’mezz elettroniku jitqies bħala l-oriġinal ta’ dan il-att. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 38

1.   Ir-rikors previst mill-Artikolu 21 ta’ l-Istatut għandu jinkludi:

a)

l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

b)

id-dettalji tal-parti li kontriha huwa indirizzat ir-rikors;

ċ)

is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa;

d)

it-talbiet tar-rikorrent;

e)

jekk ikun il-każ, in-natura tal-provi li jkun ser iressaq.

2.   Għall-finijiet tal-proċedura, ir-rikors għandu jinkludi indirizz għan-notifika fil-post fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha. Ir-rikors għandu jindika l-isem tal-persuna li ġiet awtorizzata, u li aċċettat li tirċievi, in-notifiki kollha.

Minbarra, jew minflok, l-indikazzjoni ta’ l-indirizz għan-notifika prevista fl-ewwel subparagrafu, ir-rikors jista’ jispeċifika li l-avukat jew l-aġent jaċċetta li n-notifiki jsirulu permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni.

Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, in-notifiki kollha, għal finijiet tal-proċedura, għandhom isiru lill-parti kkonċernata permezz ta’ posta reġistrata indirizzata lill-aġent jew lill-avukat tal-parti sakemm dan in-nuqqas ma jkunx ġie rregolarizzat. F’dak il-każ, b’deroga għall-Artikolu 79(1), in-notifika għandha tiġi meqjusa li saret debitament bid-depożitu ta’ l-ittra reġistrata fl-uffiċċju postali tal-post fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha.

3.   L-avukat li jassisti jew jirrappreżenta xi parti għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim ŻEE.

4.   Mar-rikors għandhom jiġu annessi, jekk ikun il-każ, id-dokumenti indikati fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut.

5.   Jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, huwa għandu jehmeż mar-rikors tiegħu:

a)

l-istatut tiegħu jew estratt reċenti mir-Reġistru tal-kumpanniji, jew estratt reċenti mir-reġistru ta’ l-assoċjazzjonijiet jew kull prova oħra li turi l-eżistenza ġuridika tiegħu;

b)

prova li l-mandat ġie mogħti regolarment lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop.

6.   Ir-rikorsi ppreżentati skond l-Artikolu 273 TFUE għandhom ikollhom magħhom kopja tal-ftehim speċjali li jkun intlaħaq bejn l-Istati Membri kkonċernati.

7.   Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 3 sa 6 ta’ dan l-Artikolu, ir-Reġistratur għandu jistabbililxxi terminu raġjonevoli sabiex ir-rikorrent jirregolarizza r-rikors tiegħu jew sabiex jissottometti d-dokumenti msemmija hawn fuq. Fin-nuqqas ta’ din ir-regolarizzazzjoni jew fin-nuqqas li jiġu sottomessi d-dokumenti fit-terminu mogħti, il-Qorti għandha tiddeċiedi, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.

Artikolu 39

Ir-rikors għandu jiġi nnotifikat lill-konvenut. Fil-każ previst fl-Artikolu 38(7), in-notifika ssir malli r-rikors jiġi rregolarizzat jew malli l-Qorti tkun aċċettat l-ammissibbiltà fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ forma elenkati f’dak l-Artikolu.

Artikolu 40

1.   Fi żmien xahar min-notifika tar-rikors, il-konvenut għandu jippreżenta r-risposta tad-difiża tiegħu. Din ir-risposta għandha tinkludi:

a)

l-isem u l-indirizz tal-konvenut;

b)

l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt mressqa;

ċ)

it-talbiet tal-konvenut;

d)

in-natura tal-provi li jkun ser iressaq.

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 38(2) sa (5) ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli.

2.   It-terminu previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi pprorogat mill-President fuq talba motivata tal-konvenut.

Artikolu 41

1.   Ir-rikors u r-risposta tad-difiża jistgħu jiġu kkompletati bir-replika tar-rikorrent u bil-kontroreplika tal-konvenut.

2.   Il-President għandu jistabbililixxi d-dati li fihom dawn l-atti tal-proċedura għandhom jiġu ppreżentati.

Artikolu 42

1.   Fir-replika jew fil-kontroreplika, il-partijiet jistgħu jippreżentaw provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom. Huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard.

2.   Ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura.

Jekk, waqt il-proċedura, xi parti tressaq raġuni ġdida, kif previst fis-subparagrafu preċedenti, il-President jista’, wara li jkunu skadew it-termini normali tal-proċedura, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, jagħti lill-parti l-oħra terminu sabiex twieġeb għal din ir-raġuni.

Id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-raġuni għandha tibqa’ riżervata għas-sentenza finali.

Artikolu 43

Jekk l-assenjazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) tkun diġà seħħet, il-President jista’, f’kull waqt, għal raġunijiet ta’ konnessjoni tal-kawżi, wara li jkun sema’ lill-partijiet u l-Avukat Ġenerali, jordna li tali kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub jew orali jew għall-finijiet tas-sentenza finali. Il-President jista’ jifridhom mill-ġdid u jista’ jirriferi dawn il-kwistjonijiet lill-Qorti.

Kapitolu Ia

FUQ IR-RAPPORT PRELIMINARI U FUQ IR-RINVIJU LILL-KULLEĠĠI ĠUDIKANTI

Artikolu 44

1.   Il-President għandu jistabbilixxi d-data li fiha l-Imħallef Relatur għandu jippreżenta r-rapport preliminari tiegħu fil-laqgħa ġenerali tal-Qorti, skond il-każ,

a)

wara l-preżentata tal-kontroreplika;

b)

meta jiskadi t-terminu stabbilit skond l-Artikolu 41(2), fil-każ li r-replika jew il-kontroreplika ma tkunx ġiet ippreżentata;

ċ)

meta l-parti li għandha interess tkun irrinunzjat għad-dritt tagħha li tippreżenta replika jew kontroreplika;

d)

meta l-President jistabbilixxi d-data tas-seduta, fil-każ ta’ l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 62a.

2.   Ir-rapport preliminari għandu jirrigwarda proposti dwar jekk il-kawża teħtieġx miżuri istruttorji jew miżuri oħra preparatorji kif ukoll dwar il-kulleġġ ġudikanti li lilu għandha tiġi assenjata l-kawża. Ir-rapport għandu jinkludi wkoll il-proposta ta’ l-Imħallef Relatur, dwar jekk għandux ikun hemm id-dispensa mis-seduta għas-sottomissjonijiet orali skond l-Artikolu 44a kif ukoll dwar jekk għandux ikun hemm id-dispensa mill-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali skond il-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 20 ta’ l-Istatut.

Wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti għandha tiddeċiedi dwar il-provvedimenti li għandhom jittieħdu fuq il-proposti ta’ l-Imħallef Relatur.

3.   Il-Qorti għandha tassenja lill-Awli b’ħames jew bi tliet Imħallfin dawk il-kawżi kollha li jkunu mressqa quddiemha sakemm id-diffikultà jew l-importanza tal-kawża jew taċ-ċirkustanzi partikulari ma jirrikjedux li dawn il-kawżi jiġu assenjati lill-Awla Manja.

Madankollu, kawża ma tistax tiġi assenjata lill-Awla b’ħames jew bi tliet Imħallfin meta Stat Membru jew xi istituzzjoni ta’ l-Unjoni, li hija parti fil-kawża, tkun talbet li l-kawża tiġi deċiża mill-Awla Manja. F’din id-dispożizzjoni, l-espressjoni “parti fil-kawża” tfisser kull Stat Membru jew kull istituzzjoni li hija waħda mill-partijiet jew li hija parti intervenjenti fil-kawża stess, jew li tkun issottomettiet osservazzjonijiet bil-miktub fil-kuntest ta’ waħda mill-proċeduri għal deċiżjoni preliminari previsti fl-Artikolu 103. Talba bħal dik prevista f’dan is-subparagrafu ma tistax issir fil-kawżi bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha.

Il-Qorti tiltaqa’ f’Qorti Plenarja meta jiġi ppreżentat rikors skond id-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 16 ta’ l-Istatut. Meta, skond il-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 16 ta’ l-Istatut, hija jidhrilha li l-kawża hija ta’ importanza eċċezzjonali, il-Qorti tista’ tassenja l-kawża lill-Qorti Plenarja.

4.   Il-kulleġġ ġudikanti li lilu ġiet assenjata kawża jista’, f’kull stadju tal-proċedura, jirrinvija l-kawża lill-Qorti sabiex din terġa’ tiġi assenjata lill-kulleġġ kompost b’numru ikbar ta’ Mħallfin.

5.   Jekk tkun infetħet istruttorja, il-kulleġġ ġudikanti jista’, jekk ma jipproċedix huwa stess biha, jassenjaha lill-Imħallef Relatur.

Jekk il-proċedura orali tinfetaħ mingħajr istruttorja, il-President tal-kulleġġ ġudikanti għandu jistabbilixxi d-data meta għandha tinfetaħ.

Artikolu 44a

Bla ħsara għal dispożizzjonijiet partikolari f’dawn ir-Regoli, il-proċedura quddiem il-Qorti għandha tinkludi fażi orali. Madankollu, wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet previsti fl-Artikolu 40(1) u, jekk ikun il-każ, fl-Artikolu 41(1), il-Qorti tista’, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali u sakemm l-ebda waħda mill-partijiet ma tressaq talba li biha tagħti r-raġunijiet li għalihom hija tkun tixtieq tinstema’, tiddeċiedi mod ieħor. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien tliet ġimgħat minn meta l-parti tiġi nnotifikata bl-għeluq tal-proċeduri bil-miktub. Dan it-terminu jista’ jiġi pprorogat mill-President.

Kapitolu II

FUQ L-ISTRUTTORJA U L-MIŻURI PREPARATORJI

L-Ewwel Taqsima – Fuq il-miżuri istruttorji

Artikolu 45

1.   Wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti għandha tistabbilixxi l-miżuri istruttorji li hija tqis xierqa, permezz ta’ digriet li jindika l-fatti li għandhom jiġu ppruvati. Il-partijiet għandhom jinstemgħu qabel ma l-Qorti tiddeċiedi dwar il-miżuri istruttorji previsti fil-paragrafu 2 c), d), u e).

Dan id-digriet għandhu jigi nnotifikat lill-partijiet.

2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 24 u 25 ta’ l-Istatut, il-miżuri istruttorji jinkludu:

a)

id-dehra personali tal-partijiet;

b)

it-talba għal informazzjoni u għal preżentata ta’ dokumenti;

ċ)

il-provi permezz tax-xhieda;

d)

il-perizja;

e)

l-aċċessi.

3.   L-Avukat Ġenerali għandu jieħu sehem fil-miżuri istruttorji.

4.   Il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi mressqa jibqgħu riżervati.

Artikolu 46

Il-partijiet jistgħu jkunu preżenti waqt il-miżuri istruttorji.

It-Tieni Taqsima – Fuq it-Taħrika u l-Eżami tax-Xhieda u tal-Periti

Artikolu 47

1.   Wara li tisma’ l-Avukat Ġenerali, il-Qorti, ex officio jew fuq talba tal-partijiet, tordna li ssir verifika ta’ ċerti fatti permezz ta’ xhieda. Dan id-digriet tal-Qorti għandu jindika l-fatti li għandhom jiġu stabbiliti.

Ix-xhieda għandhom jiġu mħarrka mill-Qorti, ex officio jew fuq talba tal-partijiet jew fuq talba ta’ l-Avukat Ġenerali.

It-talba ta’ parti sabiex jiġi eżaminat xhud, għandha tindika b’mod preċiż il-fatti li dwarhom ix-xhud jeħtieġ li jinstema’ u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżami tiegħu.

2.   Ix-xhieda li l-eżami tagħhom huwa meqjus neċessarju, għandhom jiġu mħarrka b’digriet tal-Qorti li għandu jinkludi:

a)

il-kunjom, l-isem, l-okkupazzjoni u l-indirizz tax-xhieda;

b)

l-indikazzjoni tal-fatti li dwarhom ix-xhieda ser jinstemgħu;

ċ)

fejn ikun il-każ, referenza għall-provvedimenti meħuda mill-Qorti għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż li jkunu saru mix-xhieda u għall-pieni applikabbli għax-xhieda li jonqsu li jidhru.

Dan id-digriet għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet u lix-xhieda.

3.   Il-Qorti tista’ tissuġġetta t-taħrik tax-xhieda li l-partijiet jitolbu li jiġu eżaminati, għall-ħlas ta’ somma bħala garanzija għall-ispejjeż intaxxati, li għandha tiġi ddepożitata għand il-kaxxier tal-Qorti. Il-Qorti għandha tistabbilixxi dan l-ammont.

Il-kaxxier tal-Qorti għandu jipprovdi bil-quddiem il-fondi neċessarji għall-eżami tax-xhieda mħarrka ex officio.

4.   Wara li ssir il-verifika ta’ l-identità tax-xhieda, il-President għandu jinfurmahom illi huma jkollhom jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom bil-mod speċifikat b’dawn ir-Regoli.

Ix-xhieda għandhom jinstemgħu mill-Qorti, wara li l-partijiet ikunu msejħa sabiex jattendu. Wara d-depożizzjoni, il-President jista’, fuq talba tal-partijiet jew ex officio, jagħmel mistoqsijiet lix-xhieda.

L-Imħallfin kollha u l-Avukat Ġenerali jistgħu wkoll jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

Il-President jista’ jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

5.   Wara li jagħmel id-depożizzjoni tiegħu, ix-xhud għandu jieħu l-ġurament li ġej:

“Jiena naħlef li għidt il-verità, il-verità kollha u xejn għajr il-verità.”

Il-Qorti tista’, wara li tisma’ lill-partijiet, teżenta lix-xhud milli jieħu l-ġurament.

6.   Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal li jirriproduċi d-depożizzjoni tax-xhieda.

Il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President jew mill-Imħallef Relatur inkarigat mill-eżami kif ukoll mir-Reġistratur. Qabel ma’ l-proċess verbal jiġi ffirmat, ix-xhud għandu jingħata l-opportunità li jivverifika l-kontenut tal-proċess verbal u li jiffirmah.

Il-proċess verbal huwa att awtentiku.

Artikolu 48

1.   Ix-xhieda, debitament imħarrka, għandhom joqgħodu għat-taħrika u jidhru għas-seduta.

2.   Meta xhud, debitament imħarrek, ma jidhirx quddiem il-Qorti, din tista’ tikkundannah għal ammenda ta’ mhux aktar minn 5 000 euro (2) u tordna taħrika ġdida tax-xhud bi spejjeż għalih.

L-istess ammenda tista’ tingħata lil xhud li, mingħajr raġuni leġittima, jirrifjuta li jixhed jew li jieħu l-ġurament jew li jagħmel id-dikjarazzjoni solenni li tista’ tissostitwixxi tali ġurament.

3.   Ix-xhud li jagħti raġunijiet leġittimi lill-Qorti jista’ jiġi eżentat milli jħallas l-ammenda li jkun ġie kkundannat għaliha. L-ammenda tista’ titnaqqas fuq talba tax-xhud meta dan juri illi din hija sproporzjonata għad-dħul tiegħu.

4.   L-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet jew tal-miżuri meħuda skond dan l-Artikolu għandha tiġi infurzata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 280 u 299 TFUE u 164 TKEEA.

Artikolu 49

1.   Il-Qorti tista’ tordna li ssir perizja. Id-digriet li jaħtar il-perit għandu jispeċifika l-inkarigu tiegħu u għandu jistabbilixxi terminu għall-preżentata tar-rapport tiegħu.

2.   Il-perit għandu jirċievi kopja tad-digriet tal-Qorti, flimkien mad-dokumenti kollha neċessarji sabiex iwettaq l-inkarigu tiegħu. Huwa għandu jkun taħt il-kontroll ta’ l-Imħallef Relatur, li jista’ jkun preżenti waqt l-investigazzjoni tal-perit u li għandu jinżamm infurmat dwar l-iżvolġiment ta’ l-inkarigu ta’ l-istess perit.

Il-Qorti tista’ titlob depożitu, minn waħda jew iktar mill-partijiet, bħala garanzija għall-ispejjeż tal-perizja.

3.   Fuq talba tal-perit, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li tkompli bl-eżami tax-xhieda skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 47 ta’ dawn ir-Regoli.

4.   Il-perit jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu biss fuq dawk il-punti li jiġu espressament sottomessi lilu.

5.   Wara l-preżentata tar-rapport tal-perit, il-Qorti tista’ tordna li jinstema’ l-perit, wara li jissejħu l-partijiet.

Il-President jista’ jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lill-perit.

6.   Wara l-preżentata tar-rapport, il-perit għandu jieħu l-ġurament li ġej:

“Jiena naħlef li qdejt l-inkarigu tiegħi b’kuxjenza u b’imparzjalità sħiħa.”

Il-Qorti tista’, wara li tisma’ lill-partijiet, teżenta lill-perit milli jieħu l-ġurament.

Artikolu 50

1.   Il-Qorti tiddeċiedi fil-każ li waħda mill-partijiet tirrikuża xhud jew perit minħabba inkapaċità, inadegwatezza jew minħabba kull raġuni oħra jew fil-każ li xhud jew perit jirrifjuta li jixhed, li jieħu ġurament jew li jagħmel dikjarazzjoni solenni flok il-ġurament.

2.   Ir-rikuża ta’ xhud jew ta’ perit għandha ssir fi żmien ġimgħatejn mid-data tan-notifika tad-digriet li jħarrek lix-xhud jew li jaħtar il-perit, permezz ta’ att li jinkludi r-raġunijiet għar-rikuża u n-natura tal-provi li jkunu ser jitressqu.

Artikolu 51

1.   Ix-xhieda u l-periti għandhom dritt għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u ta’ l-alloġġ. Il-kaxxier tal-Qorti jista’ jagħtihom xi ħlas bil-quddiem bħala akkont għal dawn l-ispejjeż.

2.   Ix-xhieda għandhom dritt għal kumpens għal telf ta’ qligħ u l-periti għandhom dritt għal onorarju għas-servizzi tagħhom. Dan il-kumpens għandu jiġi mħallas mill-kaxxier tal-Qorti lix-xhieda u lill-periti wara li huma jkunu wettqu d-dmirijiet tagħhom jew l-inkarigu tagħhom.

Artikolu 52

Il-Qorti tista’, fuq talba tal-partijiet jew ex officio, tibgħat ittri rogatorji għall-eżami ta’ xhieda jew ta’ periti, kif ipprovdut mir-regoli addizzjonali msemmija fl-Artikolu 125 ta’ dawn ir-Regoli.

Artikolu 53

1.   Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal ta’ kull seduta. Dan il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur u huwa att awtentiku.

2.   Il-partijiet jistgħu jikkonsultaw il-proċessi verbali kollha kif ukoll ir-rapport tal-perit fir-Reġistru, u jistgħu jiksbu kopja taħt ħlas.

It-Tielet Taqsima – Fuq l-Għeluq ta’ l-Istruttorja

Artikolu 54

Wara l-għeluq tal-miżuri istruttorji, il-President għandu, sakemm il-Qorti ma tiddeċidiex li tistabbilixxi terminu għall-partijiet sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, tistabbilixxi data għall-bidu tal-proċedura orali.

Jekk ikun ingħata terminu għall-preżentata ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub, il-President għandu jistabbilixxi d-data tal-bidu tal-proċedura orali wara li jiskadi dan it-terminu.

Ir-Raba’ Taqsima – Fuq il-Miżuri Preparatorji

Artikolu 54a

L-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali jistgħu jitolbu lill-partijiet sabiex jissottomettu, fit-terminu stabbilit, l-informazzjoni kollha li għandha x’taqsam mal-fatti, id-dokumenti kollha u d-dettalji kollha li jidhrilhom huma rilevanti. L-informazzjoni u d-dokumenti sottomessi għandhom jiġu kkomunikati lill-partijiet l-oħra.

Kapitolu III

FUQ IL-PROĊEDURA ORALI

Artikolu 55

1.   Salv għall-prijorità tad-deċiżjonijiet prevista mill-Artikolu 85 ta’ dawn ir-Regoli, il-Qorti għandha teżamina l-kawżi li għandha quddiemha skond l-ordni li fih titlesta l-istruttorja tagħhom. Fil-każ li l-istruttorja ta’ numru ta’ kawżi titlesta kontemporanjament, l-ordni għandu jiġi stabbilit skond id-data tar-reġistrazzjoni ta’ l-att introduttiv tal-kawżi fir-reġistru.

2.   Il-President jista’, minħabba ċirkustanzi partikolari, jiddeċiedi li tingħata prijorità lil kawża fuq l-oħrajn.

Wara li jinstemgħu l-partijiet u l-Avukat Ġenerali, il-President jista’, ex officio jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, jiddeċiedi li, minħabba ċirkustanzi partikolari, il-kawża tiġi ddifferita. Jekk, bi ftehim bejniethom, il-partijiet fil-kawża jitolbu li din tiġi ddifferita, il-President jista’ jilqa’ t-talba tagħhom.

Artikolu 56

1.   Il-President għandu jiftaħ u jmexxi t-trattazzjoni tal-kawża u huwa responsabbli għall-bon ordni waqt is-seduta.

2.   Id-deċiżjoni li kawża tinstema’ in camera ġġib magħha l-projbizzjoni li tiġi ppubblikata t-trattazzjoni.

Artikolu 57

Il-President jista’, matul it-trattazzjoni, jagħmel xi mistoqsijiet lill-aġenti, lill-konsulenti jew lill-avukati tal-partijiet.

L-Imħallfin l-oħra u l-Avukat Ġenerali jistgħu jagħmlu l-istess.

Artikolu 58

Il-partijiet jistgħu jindirizzaw lill-Qorti permezz ta’ l-aġent, il-konsulent jew l-avukat tagħhom biss.

Artikolu 59

1.   L-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta oralment il-konklużjonijiet motivati tiegħu, qabel l-għeluq tal-proċedura orali.

2.   Wara li l-Avukat Ġenerali jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu, il-President jiddikjara l-għeluq tal-proċedura orali.

Artikolu 60

Wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti tista’ f’kull waqt, skond l-Artikolu 45(1), tordna miżura istruttorja jew tordna li att istruttorju jerġa’ jsir jew li jsir b’mod aktar estiż. Hija tista’ tinkariga lill-Imħallef Relatur sabiex jeżegwixxi dawn il-miżuri.

Artikolu 61

Wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti tista’ tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Artikolu 62

1.   Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal għal kull seduta. Dan il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur u huwa att awtentiku.

2.   Il-partijiet jistgħu jikkonsultaw il-proċessi verbali kollha kif ukoll ir-rapport tal-perit fir-Reġistru, u jistgħu jiksbu kopja taħt ħlas.

Kapitolu IIIa

FUQ IL-PROĊEDURI MĦAFFA

Artikolu 62a

1.   Fuq talba tar-rikorrent jew tal-konvenut, il-President jista’, f’każijiet eċċezzjonali, fuq proposta ta’ l-Imħallef Relatur u wara li jinstemgħu l-kontroparti u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li l-kawża tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli, u dan meta l-urġenza partikolari tal-kawża teżiġi li l-Qorti tiddeċiedi fl-inqas żmien possibbli.

It-talba sabiex il-kawża tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa għandha tiġi ppreżentata b’att separat flimkien mal-preżentata tar-rikors jew tar-risposta.

2.   Fil-każ li tiġi applikata l-proċedura mħaffa, ir-rikors u r-risposta ma jistgħux jiġu segwiti b’replika u b’kontroreplika ħlief jekk il-President jidhirlu li dan huwa neċessarju.

L-intervenjent ma jistax jippreżenta sottomissjonijiet ta’ l-intervent ħlief jekk il-President jidhirlu li dan huwa neċessarju.

3.   Mal-preżentata tar-risposta tad-difiża jew, fil-każ li d-deċiżjoni li l-kawża għandha tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa tittieħed biss wara l-preżentata ta’ din ir-risposta, mat-teħid ta’ din id-deċiżjoni, il-President għandu jistabbilixxi d-data tas-seduta, li għandha tiġi avżata minnufih lill-partijiet. Il-President jista’ jiddifferixxi d-data tas-seduta jekk dan huwa meħtieġ mill-organizzazzjoni tal-miżuri istruttorji jew ta’ miżuri oħra preparatorji.

Bla ħsara għall-Artikolu 42, il-partijiet jistgħu jissupplementaw l-argumenti tagħhom u jippreżentaw provi ulterjuri matul il-proċedura orali. Huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard.

4.   Il-Qorti għandha tiddeċiedi wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali.

Kapitolu IV

FUQ IS-SENTENZI

Artikolu 63

Is-sentenza għandha tinkludi:

l-indikazzjoni li s-sentenza tkun qiegħda tingħata mill-Qorti,

id-data ta’ meta qed tingħata,

l-ismijiet tal-President u ta’ l-Imħallfin li jkunu pparteċipaw fid-deliberazzjoni,

l-isem ta’ l-Avukat Ġenerali,

l-isem tar-Reġistratur,

l-indikazzjoni tal-partijiet,

l-ismijiet ta’ l-aġenti, tal-konsulenti jew ta’ l-avukati tal-partijiet,

it-talbiet tal-partijiet,

referenza għall-fatt li l-Qorti semgħet lill-Avukat Ġenerali,

il-fatti fil-qosor,

ir-raġunijiet,

il-parti operattiva, inkluża d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Artikolu 64

1.   Is-sentenza għandha tingħata fil-Qorti bil-miftuħ, wara li l-partijiet jiġu nnotifikati sabiex jattendu.

2.   L-oriġinal tas-sentenza, iffirmat mill-President, mill-Imħallfin li pparteċipaw fid-deliberazzjoni u mir-Reġistratur, għandu jiġi ssiġillat u ddepożitat fir-Reġistru; il-partijiet kollha għandhom jiġu nnotifikati b’kopja awtentikata tas-sentenza.

3.   Ir-Reġistratur għandu jagħmel notament tad-data ta’ meta s-sentenza ngħatat fuq l-oriġinal tas-sentenza.

Artikolu 65

Is-sentenza jkollha forza legali mill-ġurnata li tingħata.

Artikolu 66

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tas-sentenzi, l-iżbalji tal-pinna jew fil-kalkoli jew ineżattezzi evidenti oħra jistgħu jiġu kkorreġuti mill-Qorti, sew ex officio, kif ukoll fuq talba ta’ xi parti, bil-kundizzjoni li din it-talba tiġi ppreżentata fi żmien ġimgħatejn mid-data li fiha tingħata s-sentenza.

2.   Il-partijiet, debitament avżati mir-Reġistratur, jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f’terminu stabbilit mill-President.

3.   Il-Qorti għandha tiddeċiedi in camera, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali.

4.   L-oriġinal tad-digriet ta’ korrezzjoni għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tas-sentenza kkorreġuta. Fil-marġni ta’ l-oriġinal tas-sentenza kkorreġuta għandu jsir notament dwar dan id-digriet.

Artikolu 67

Jekk il-Qorti tkun naqset milli tiddeċiedi dwar kap wieħed tat-talbiet jew dwar l-ispejjeż, il-parti li għandha l-intenzjoni li tinvoka dan in-nuqqas għandha tagħmel talba f’dan is-sens lill-Qorti permezz ta’ rikors fi żmien xahar min-notifika tas-sentenza.

Ir-rikors għandu jiġi nnotifikat lill-parti l-oħra u l-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex din tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

Wara l-preżentata ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Qorti, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u, fl-istess ħin, dwar il-mertu ta’ din it-talba.

Artikolu 68

Ir-Reġistratur għandu jassigura li tiġi ppubblikata ġabra tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Kapitolu V

FUQ L-ISPEJJEŻ

Artikolu 69

1.   Deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża.

2.   Il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

Jekk ikun hemm aktar minn parti waħda li titlef, il-Qorti għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

3.   Jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Il-Qorti tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, sabiex tħallas lura lill-parti l-oħra l-ispejjeż illi hi tkun ikkawżatilha u li l-Qorti tqis fiergħa jew vessatorji.

4.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

L-Istati kontraenti fil-Ftehim ŻEE, li mhumiex Stati Membri, kif ukoll l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandhom ukoll ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom meta jintervjenu fil-kawża.

Il-Qorti tista’ tiddeċiedi li parti intervenjenti, barra minn dawk imsemmija fis-subparagrafi preċedenti, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

5.   Il-parti li tirrinunzja għall-atti għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-kontroparti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti. Madankollu, fuq it-talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti, il-kontroparti għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher ġustifikat mill-aġir ta’ l-istess kontroparti.

Fil-każ ta’ ftehim bejn il-partijiet dwar l-ispejjeż, il-Qorti għandha tiddeċiedi skond dak il-ftehim.

Fin-nuqqas li ssir talba għall-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

6.   Fil-każ li m’hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, l-Qorti tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Artikolu 70

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 69(3) ta’ dawn ir-Regoli, fil-kawżi bejn l-Unjoni u l-impjegati tagħha, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Artikolu 71

L-ispejjeż ta’ l-infurzar ta’ sentenza jew digriet tal-Qorti li parti kellha tħallas, għandhom jiġu mħallsa lura mill-kontroparti skond it-tariffa li hija fis-seħħ fl-Istat fejn dan l-infurzar jitwettaq.

Artikolu 72

Il-proċedura quddiem il-Qorti hija bla ħlas, salv għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)

jekk il-Qorti għamlet spejjeż li setgħu jiġu evitati, hija tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tikkundanna lill-parti li kkawżathom sabiex tħallashom lura;

b)

l-ispejjeż tal-kopji kollha u tat-traduzzjoni magħmula fuq talba ta’ parti, li huma kkunsidrati żejda mir-Reġistratur, għandhom jiġu mħallsa lura minn din il-parti skond it-tariffa prevista mill-Artikolu 16(5) ta’ dawn ir-Regoli.

Artikolu 73

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu preċedenti, l-ispejjeż li ġejjin għandhom jitqiesu bħala spejjeż li jistgħu jinġabru:

a)

l-ammonti dovuti lix-xhieda u lill-periti skond l-Artikolu 51 ta’ dawn ir-Regoli;

b)

l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet għall-finijiet tal-kawża, partikolarment l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u ta’ l-alloġġ, kif ukoll ir-remunerazzjoni ta’ aġent, konsulent jew avukat.

Artikolu 74

1.   Fil-każ ta’ kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-kulleġġ ġudikanti li lilu kienet ġiet assenjata l-kawża, għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet, fuq talba tal-parti interessata, u wara li tisma’ l-osservazzjonijiet tal-parti l-oħra u l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali.

2.   Il-partijiet jistgħu, għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni, jitolbu kopja eżekuttiva ta’ dan id-digriet.

Artikolu 75

1.   Il-pagamenti dovuti mill-kaxxier tal-Qorti u mid-debituri tagħha għandhom isiru f’euro.

2.   Meta l-ispejjeż li huma suġġetti għall-ħlas lura jkunu saru f’valuta oħra li mhix l-euro jew meta l-atti li wasslu għall-kumpens twettqu f’pajjiż fejn il-valuta mhijiex l-euro, il-kambju tal-valuti għandu jsir skond ir-rati tal-kambju ta’ referenza tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-jum tal-ħlas.

Kapitolu V

FUQ IL-BENEFIĊĊJU TA’ L-GĦAJNUNA LEGALI BLA ĦLAS

Artikolu 76

1.   Jekk parti ma tkunx tista’ tħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża jew parti minnhom, hija tista’, f’kull stadju, titlob il-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali bla ħlas.

It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja li turi li min qed jagħmilha jinsab fil-bżonn, u, b’mod partikolari, dokument maħruġ mill-awtorità kompetenti li jiċċertifika l-istat ta’ bżonn tiegħu.

2.   Jekk it-talba tiġi ppreżentata qabel ir-rikors li l-applikant bi ħsiebu jressaq, hija għandha tinkludi, fil-qosor, is-suġġett ta’ dan ir-rikors.

Mhuwiex neċessarju li t-talba ssir permezz ta’ avukat.

3.   Il-President għandu jaħtar l-Imħallef Relatur. Il-Qorti għandha tirrinvija, fuq proposta ta’ l-Imħallef Relatur u, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, it-talba lil kulleġġ ġudikanti li għandu jiddeċiedi dwar jekk għandux jiġi ammess il-benefiċċju, sħiħ jew parzjali, ta’ assistenza legali bla ħlas. Hija għandha teżamina jekk l-azzjoni hijiex manifestament infondata.

Il-kulleġġ ġudikanti għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu permezz ta’ digriet. Fil-każ ta’ċaħda totali jew parzjali tal-benefiċċju ta’ assistenza legali bla ħlas, id-digriet għandu jinkludi r-raġunijiet għal din iċ-ċaħda.

4.   Il-kulleġġ ġudikanti jista’, f’kull waqt, kemm ex officio kif ukoll fuq talba, jirrevoka l-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali bla ħlas jekk il-kundizzjonijiet, li wasslu għall-ammissjoni għal dan il-benefiċċju, jinbidlu matul il-kawża.

5.   Fil-każ ta’ l-ammissjoni għall-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali bla ħlas, l-ispejjeż jiġu mħallsa bil-quddiem mill-kaxxier tal-Qorti.

Id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tista’ tipprovdi għall-ħlas lill-kaxxier tal-Qorti ta’ l-ammonti mħallsa bħala għajnuna legali.

Ir-Reġistratur għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġbor dawn l-ammonti mingħand dik il-parti li tkun ġiet ikkundannata tħallashom.

Kapitolu VII

FUQ IR-RINUNZJA GĦALL-ATTI

Artikolu 77

Jekk, qabel ma l-Qorti tkun tat id-deċiżjoni tagħha, il-partijiet jiftiehmu dwar is-soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ bejniethom u jekk dawn jinfurmaw lill-Qorti illi huma qed jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha tagħhom, il-President għandu jordna t-tħassir tal-kawża mir-reġistru u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 69(5), wara li jqis, jekk ikun il-każ, il-proposti magħmula mill-partijiet f’dan ir-rigward.

Din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli għar-rikorsi previsti mill-Artikoli 263 u 265 TFUE.

Artikolu 78

Jekk ir-rikorrent jinforma lill-Qorti bil-miktub illi huwa għandu l-intenzjoni li jirrinunzja għall-atti, il-President għandu jordna li l-kawża titħassar mir-reġistru u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond l-Artikolu 69(5).

Kapitolu VIII

FUQ IN-NOTIFIKI

Artikolu 79

1.   Ir-Reġistratur għandu jassigura li jsiru n-notifiki previsti f’dawn ir-Regoli, fl-indirizz għan-notifika tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata, u dan jew billi tintbagħat kopja ta’ l-att li għandu jiġi nnotifikat bil-posta reġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, jew billi din il-kopja tittieħed personalment taħt l-għotja ta’ rċevuta.

Il-kopji ta’ l-oriġinal li għandu jiġi nnotifikat, għandhom jiġu ppreparati u awtentikati mir-Reġistratur ħlief meta l-partijiet innifishom jippreżentaw il-kopji skond l-Artikolu 37(1) ta’ dawn ir-Regoli.

2.   Fil-każ li, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 38(2), il-persuna li għandha tiġi nnotifikata taċċetta li n-notifiki jsirulha permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni, in-notifika ta’ kull att tal-proċedura, minbarra tas-sentenzi u tad-digrieti tal-Qorti, tista’ ssir billi tintbagħat kopja tad-dokument b’dan il-mezz.

Jekk għal raġunijiet tekniċi jew minħabba n-natura jew il-volum ta’ l-att, din it-trażmissjoni ma tistax isseħħ, fejn il-persuna li għandha tiġi nnotifikata ma tindikax indirizz għan-notifika, l-att għandu jiġi nnotifikat fl-indirizz ta’ l-istess persuna skond il-proċedura prevista mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-persuna li għandha tiġi nnotifikata tiġi avżata b’dan permezz ta’ faks jew permezz ta’ xi mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni. F’dan il-każ, in-notifika ta’ din il-persuna għandha titqies li saret bil-posta reġistrata, fl-għaxar jum wara li l-att ikun ġie ddepożitat fl-uffiċċju postali fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha, sakemm l-irċevuta ma tindikax li l-istess persuna rċevietha f’data oħra jew sakemm l-istess persuna ma tinfurmax lir-Reġistratur, fi żmien tliet ġimgħat mill-avviż li jkun sarilha permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni, li n-notifika ma waslitilhiex.

Kapitolu IX

FUQ IT-TERMINI

Artikolu 80

1.   It-termini tal-proċedura previsti mit-Trattati, mill-Istatut u mir-Regoli preżenti għandhom jiġu kalkolati kif ġej:

a)

terminu, li huwa espress f’jiem, f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin, għandu jibda jiddekorri mill-mument li fih jiġri avveniment jew jitwettaq att, il-jum li fih jiġri l-avveniment jew li jitwettaq l-att m’għandux jiġi inkluż fit-terminu;

b)

terminu espress f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin għandu jispiċċa ma’ l-iskadenza ta’ dak il-jum li, fl-aħħar ġimgħa, fl-aħħar xahar jew fl-aħħar sena, iġib l-istess isem jew l-istess numru tal-jum li fih ġara l-avveniment jew twettaq xi att li minnu għandu jiġi kkalkulat it-terminu. Jekk f’terminu espress f’xhur jew fi snin, il-jum stabbilit għall-iskadenza tiegħu ma jinzertax fl-aħħar xahar tat-terminu, dan it-terminu jiskadi ma’ tmiem l-aħħar jum ta’ dak ix-xahar;

ċ)

meta terminu huwa espress f’xhur u f’jiem, għandhom l-ewwel jiġu meqjusa x-xhur sħaħ u wara l-jiem;

d)

it-termini jinkludu l-jiem ta’ vakanza legali, il-Ħdud u s-Sibtijiet;

e)

it-termini ma jiġux sospiżi matul il-ferjat.

2.   Jekk il-jum li fih jiskadi t-terminu jkun Sibt, Ħadd jew jum ta’ vakanza legali, l-iskadenza għandha tiġi pprorogata għat-tmiem ta’ l-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss.

Il-lista tal-jiem ta’ vakanza legali stabbilita mill-Qorti għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 81

1.   Meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta’ dak l-att, dan it-terminu għandu jiġi kkalkulat li jibda, skond l-Artikolu 80(1)(a) minn tmiem l-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dak l-att fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.

2.   It-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

Artikolu 82

It-termini stabbiliti taħt dawn ir-Regoli jistgħu jiġu pprorogati mill-awtorità li stabbiliethom.

Il-President u l-Presidenti ta’ Awla jistgħu jiddelegaw lir-Reġistratur is-setgħa li jiffirma sabiex jistabbilixxi ċerti termini li huma jistgħu jistabbilixxu bis-saħħa ta’ dawn ir-Regoli, jew sabiex jipproroga dawn it-termini.

Kapitolu X

FUQ IS-SOSPENSJONI TAL-PROĊEDURI

Artikolu 82a

1.   Il-proċedura tista’ tiġi sospiża:

a)

fil-każijiet previsti mit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 54 ta’ l-Istatut, fuq digriet tal-Qorti mogħti wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali;

b)

fil-każijiet l-oħra kollha, b’deċiżjoni tal-President, meħuda wara li jisma’ lill-Avukat Ġenerali u, bl-eċċezzjoni tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari previsti mill-Artikolu 103, wara li jisma’ lill-partijiet.

Il-proċedura tista’ titkompla permezz ta’ digriet jew ta’ deċiżjoni li tingħata bl-istess proċedura ta’ sospensjoni.

Id-digrieti jew id-deċiżjonijiet previsti minn dan il-paragrafu għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet.

2.   Is-sospensjoni tal-proċedura tidħol fis-seħħ fid-data indikata fid-digriet jew fid-deċiżjoni ta’ sospensjoni jew, fin-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni, fid-data tad-digriet jew tad-deċiżjoni.

Matul il-perijodu ta’ sospensjoni, l-ebda terminu tal-proċedura ma jiddekorri fir-rigward tal-partijiet.

3.   Meta d-digriet jew id-deċiżjoni ta’ sospensjoni ma tkunx stabbiliet il-perijodu tagħha, is-sospenjoni tispiċċa fid-data indikata fid-digriet jew fid-deċiżjoni li bihom titkompla l-proċedura jew, fin-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni, fid-data ta’ dan id-digriet jew din id-deċiżjoni.

It-termini tal-proċedura jerġgħu jibdew jiddekorru mill-ġdid mad-data li fih il-proċeduri jitkomplew.

TITOLU III

FUQ IL-PROĊEDURI SPEĊJALI

Kapitolu I

FUQ IS-SOSPENSJONI TA’ L-EŻEKUZZJONI U FUQ MIŻURI PROVVIŻORJI OĦRA PERMEZZ TAL-PROĊEDURA SOMMARJA

Artikolu 83

1.   Talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni skond l-Artikoli 278 TFUE u 157 TKEEA hija biss ammissibbli jekk min jitlob tali sospensjoni jkun ikkontesta dak l-att b’rikors quddiem il-Qorti.

Talba għal xi waħda mill-miżuri provviżorji l-oħra taħt l-Artikolu 279 TFUE hija biss ammissibbli jekk din issir minn parti f’kawża li tinsab quddiem il-Qorti u jekk din tirreferi għall-kawża msemmija.

2.   It-talbiet previsti mill-paragrafu preċedenti għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, ir-raġunijiet għall-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba.

3.   It-talba għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ att separat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 37 u 38 ta’ dawn ir-Regoli.

Artikolu 84

1.   It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-kontroparti wara li l-President jistabbilixxi terminu qasir għall-preżentata ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħha.

2.   Il-President għandu jiddeċiedi jekk hemmx lok li jordna l-ftuħ ta’ l-istruttorja.

Il-President jista’ jilqa’ t-talba anki qabel ma l-kontroparti tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. Din il-miżura tista’ tiġi suċċessivament immodifikata jew irrevokata, anki ex officio.

Artikolu 85

Il-President għandu jieħu d-deċiżjoni huwa stess jew jirrinvija t-talba lill-Qorti.

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment tal-President.

Jekk it-talba tiġi rrinvjata lill-Qorti, din għandha tieħu d-deċiżjoni b’urġenza, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 84 huma applikabbli.

Artikolu 86

1.   Id-deċiżjoni dwar it-talba għandha tingħata permezz ta’ digriet motivat li mhuwiex appellabbli. Dan id-digriet għandu jiġi nnotifikat minnufih lill-partijiet.

2.   L-eżekuzzjoni tad-digriet tista’ tiġi ssuġġettata għal depożitu ta’ garanzija minn min għamel it-talba. L-ammont u n-natura ta’ tali garanzija għandhom jiġu stabbiliti skond iċ-ċirkustanzi.

3.   Dan id-digriet jista’ jistabbilixxi data minn meta l-miżura ma tibqax fis-seħħ. Jekk din id-data ma tiġix stabbilita, il-miżura tispiċċa mis-seħħ meta tingħata s-sentenza definittiva.

4.   Dan id-digriet għandu natura provviżorja u ma jippreġudikax id-deċiżjoni tal-Qorti fil-kawża prinċipali.

Artikolu 87

Dan id-digriet jista’ jiġi mmodifikat jew irrevokat f’kull waqt fuq talba ta’ parti minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi.

Artikolu 88

Iċ-ċaħda ta’ talba għal miżura provviżorja ma tipprojbixxix lill-parti li tkun għamlitha milli tippreżenta talba oħra bbażata fuq fatti ġodda.

Artikolu 89

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu huma applikabbli għal talba għal sospensjoni ta’ l-infurzar ta’ deċiżjoni tal-Qorti jew ta’ att ta’ istituzzjoni oħra, ippreżentata skond l-Artikoli 280 u 299 TFUE u 164 TKEEA.

Id-digriet li jilqa’ t-talba għandu jistabbilixxi, jekk ikun il-każ, id-data meta l-miżura provviżorja ma tibqax fis-seħħ.

Artikolu 90

1.   It-talba prevista fit-tielet u r-raba’ paragrafi ta’ l-Artikolu 81 TKEEA għandha tinkludi:

a)

l-ismijiet u l-indirizz tal-persuni jew ta’ l-impriżi suġġetti għall-ispezzjoni;

b)

l-iskop u l-għan ta’ l-ispezzjoni.

2)   Il-President għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu permezz ta’ digriet. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 86 ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli.

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11 ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment tal-President.

Kapitolu II

FUQ KWISTJONIJET PROĊEDURALI

Artikolu 91

1.   Talba minn waħda mill-partijiet lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwar eċċezzjoni jew kwistjoni mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża għandha ssir permezz ta’ att separat.

It-talba għandha tesponi r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija bbażata u t-talbiet; magħha għandhom jiġu annessi d-dokumenti invokati in sostenn tagħha.

2.   Mal-preżentata ta’ l-att li bih titressaq it-talba, il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex il-kontroparti tippreżenta bil-miktub ir-raġunijiet u t-talbiet tagħha.

3.   Il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti ma tiddeċidix mod ieħor.

4.   Il-Qorti, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, għandha tiddeċiedi dwar it-talba jew tirrinvija d-deċiżjoni tagħha għas-sentenza finali.

Jekk il-Qorti tiċħad it-talba jew tirrinvija d-deċiżjoni tagħha għas-sentenza finali, il-President għandu jistabbilixxi termini ġodda għall-kontinwazzjoni tal-kawża.

Artikolu 92

1.   Meta l-Qorti hija manifestament inkompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors, jew fil-każ li tali rikors huwa manifestament inammissibbli, il-Qorti tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

2.   Il-Qorti tista’, f’kull waqt u ex officio, wara li tisma’ l-partijiet, tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà tar-rikors għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, jew tiddikjara li r-rikors m’għadx għandu skop u li m’għadx hemm lok għal deċiżjoni; id-deċiżjoni għandha tittieħed skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 91(3) u (4) ta’ dawn ir-Regoli.

Kapitolu III

FUQ L-INTERVENT

Artikolu 93

1.   It-talba għal intervent għandha tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mill-pubblikazzjoni ta’ l-avviż imsemmi fl-Artikolu 16(6).

It-talba għal intervent għandha tinkludi:

a)

indikazzjoni tal-kawża;

b)

indikazzjoni tal-partijiet fil-kawża;

ċ)

l-isem u l-indirizz ta’ l-intervenjent;

d)

l-għażla ta’ l-indirizz għan-notifika ta’ l-intervenjent fil-post fejn il-Qorti għandha s-sede tagħha;

e)

it-talbiet li l-intervenjent qiegħed jitlob li jsostni bl-intervent tiegħu;

f)

meta t-talba hija ppreżentata skond it-tieni jew it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut, deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li jagħtu d-dritt għall-intervent.

L-intervenjent għandu jkun irrappreżentat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 19 ta’ l-Istatut.

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 37 u 38 ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli.

2.   It-talba għal intervent għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet.

Qabel ma jiddeċiedi dwar it-talba għal intervent, il-President għandu jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub jew oralment.

Il-President għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal intervent huwa stess permezz ta’ digriet jew għandu jirrinvija t-talba lill-Qorti.

3.   Fil-każ li l-President jilqa’ t-talba għal intervent, l-intervenjent għandu jirċievi kopja ta’ l-atti kollha tal-proċedura nnotifikati lill-partijiet. Madankollu, il-President jista’, fuq talba ta’ parti, jeskludi xi dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali.

4.   L-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.

5.   Il-President għandu jistabbilixxi terminu li fih l-intervenjent għandu jippreżenta s-sottomissjonijiet ta’ l-intervent.

Is-sottomissjonijiet ta’ l-intervent għandhom jinkludu:

a)

it-talbiet ta’ l-intervenjent intiżi sabiex isostnu jew sabiex jiċħdu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ta’ xi waħda mill-partijiet;

b)

ir-raġunijiet u l-argumenti mressqa mill-intervenjent;

ċ)

jekk ikun il-każ, il-provi li jixtieq iressaq.

6.   Wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet ta’ l-intervent, il-President għandu jistabbilixxi, jekk ikun il-każ, terminu li fih il-partijiet jistgħu jwieġbu għal dawn is-sottomissjonijiet.

7.   It-talba għal intervent li tiġi ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu previst fil-paragrafu 1, iżda qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura orali skond l-Artikolu 44(3), tista’ tiġi kkunsidrata. F’dan il-każ, jekk il-President jilqa’ t-talba għal intervent, l-intervenjent jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, waqt il-proċedura orali, jekk din tinżamm.

Kapitolu IV

FUQ IS-SENTENZI MOGĦTIJA FIL-KAŻ TA’ KONTUMAĊJA U FUQ L-OPPOŻIZZJONI

Artikolu 94

1.   Jekk konvenut, li kien debitament innotifikat b’rikors, jonqos li jwieġeb għalih fil-forma u fit-termini preskritti, ir-rikorrent jista’ jitlob lill-Qorti sabiex tilqa’ t-talbiet tiegħu.

Din it-talba għandha tiġi nnotifikata lill-konvenut. Il-Qorti tista’ tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura orali fuq din it-talba.

2.   Qabel ma tagħti s-sentenza fil-każ ta’ kontumaċja, il-Qorti, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, għandha teżamina l-ammissibbiltà tar-rikors u għandha tivverifika jekk il-formalitajiet ġewx osservati u jekk it-talbiet tar-rikorrent jidhrux fondati. Hija tista’ tordna li jittieħdu miżuri istruttorji.

3.   Is-sentenza fil-każ ta’ kontumaċja hija eżekuttiva. Madankollu, il-Qorti tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha sakemm hija tkun ħadet deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni ppreżentata skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu kif ukoll tista’ tissuġġetta tali eżekuzzjoni għal depożitu ta’ garanzija li l-ammont u l-kundizzjonijiet tagħha jiġu stabbiliti skond iċ-ċirkustanzi; din il-garanzija għandha tiġi rilaxxata jekk ma jkunx hemm oppożizzjoni jew fil-każ li din l-oppożizzjoni tiġi miċħuda.

4.   Tista’ ssir oppożizzjoni kontra sentenza li tingħata fil-każ ta’ kontumaċja.

L-oppożizzjoni għandha ssir f’terminu ta’ xahar mid-data tan-notifika tas-sentenza u għandha ssir fil-forom preskritti fl-Artikoli 37 u 38 ta’ dawn ir-Regoli.

5.   Wara n-notifika ta’ l-oppożizzjoni, il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex il-parti l-oħra tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

Il-proċedura għandha tiżvolgi skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 44 et seq ta’ dawn ir-Regoli.

6.   Il-Qorti tiddeċiedi permezz ta’ sentenza li kontra tagħha ma tistax issir oppożizzjoni.

L-oriġinal ta’ din is-sentenza għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tas-sentenza li tkun ingħatat fil-każ ta’ kontumaċja. Għandu jsir notament tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni fil-marġni ta’ l-oriġinal tas-sentenza mogħtija fil-każ ta’ kontumaċja.

Kapitolu V

Artikolu 95

(Imħassar)

Artikolu 96

(Imħassar)

Kapitolu VI

FUQ RIMEDJI EĊĊEZZJONALI

L-Ewwel Taqsima – Fuq l-Oppożizzjoni minn Terzi

Artikolu 97

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 37 u 38 ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli għal talba minn terz biex jopponi; din għandha, barra minn hekk:

a)

tispeċifika s-sentenza kkontestata;

b)

tindika kif is-sentenza kkontestata tippreġudika d-drittijiet tat-terz li qed jopponi;

ċ)

tindika r-raġunijiet għaliex it-terz li qed jopponi ma setgħax ikun parti fil-kawża prinċipali.

L-oppożizzjoni għandha ssir kontra l-partijiet kollha fil-kawża prinċipali.

Jekk is-sentenza tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea, it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahrejn minn din il-pubblikazzjoni.

2.   Is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza kkontestata tista’ tiġi ordnata fuq talba tat-terz li qed jopponi. Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli I tat-Titolu 3 ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli.

3.   Is-sentenza kkontestata għandha tiġi mmodifikata f’dawk il-punti fejn l-oppożizzjoni tat-terz tiġi milqugħa.

L-oriġinal tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni tat-terz għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tas-sentenza kkontestata. Għandu jsir notament tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni tat-terz fil-marġni ta’ l-oriġinal tas-sentenza kkontestata.

It-Tieni Taqsima – Fuq ir-Reviżjoni

Artikolu 98

Ir-reviżjoni għandha tintalab mhux aktar tard minn tliet xhur mill-jum li fih min jitlobha jkun sar jaf bil-fatt li fuqu hija bbażata t-talba għar-reviżjoni.

Artikolu 99

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 37 u 38 ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli għal talba għal reviżjoni; talba għal reviżjoni għandha wkoll:

a)

tispeċifika s-sentenza kkontestata;

b)

tindika l-punti li fuqhom qiegħda tiġi kkontestata s-sentenza;

ċ)

tispeċifika l-fatti li fuqhom it-talba hija bbażata;

d)

tindika n-natura tal-provi intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ fatti li jiġġustifikaw ir-reviżjoni u sabiex juru li t-terminu preskritt mill-Artikolu preċedenti ġie rrispettat.

2.   It-talba għal reviżjoni għandha ssir kontra l-partijiet kollha fis-sentenza li tagħha tintalab ir-reviżjoni.

Artikolu 100

1.   Bla ħsara għad-deċiżjoni fuq il-mertu, il-Qorti għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba, b’sentenza mogħtija in camera, wara li tisma’ l-Avukat Ġenerali u wara li tikkunsidra l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet.

2.   Jekk il-Qorti tiddikjara li t-talba hija ammissibbli, hija għandha tipproċedi għall-eżami tal-mertu u għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta’ sentenza, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli.

3.   L-oriġinal tas-sentenza ta’ reviżjoni għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tas-sentenza li ġiet riveduta. Għandu jsir notament tas-sentenza ta’ reviżjoni fil-marġni ta’ l-oriġinal tas-sentenza li ġiet riveduta.

Kapitolu VII

FUQ IR-RIKORSI KONTRA D-DEĊIŻJONIJIET TAL-KUMITAT TA’ARBITRAĠĠ

Artikolu 101

1.   Ir-rikors previst fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 18 TKEEA għandu jinkludi:

a)

l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

b)

f’liema kwalità aġixxa min iffirma;

ċ)

riferiment għad-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Arbitraġġ ikkontestata;

d)

id-dettalji tal-partijiet;

e)

il-fatti fil-qosor;

f)

ir-raġunijiet u t-talbiet tar-rikorrent.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 37(3) u (4), u ta’ l-Artikolu 38(2), (3) u (5) ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli.

Kopja awtentikata tad-deċiżjoni kkontestata għandha wkoll tiġi annessa mar-rikors.

3.   Malli jiġi ppreżentat ir-rikors, ir-Reġistratur tal-Qorti għandu jitlob lir-Reġistratur tal-Kumitat ta’ Arbitraġġ biex jibgħat il-proċess tal-kawża lill-Qorti.

4.   Il-proċedura għandha tiżvolġi skond l-Artikoli 39, 40, 55 et seq ta’ dawn ir-Regoli.

5.   Il-Qorti għandha tiddeċiedi permezz ta’ sentenza. Fil-każ li d-deċiżjoni tal-Kumitat tiġi annullata, hija għandha, jekk ikun il-każ, tirrinvija l-kawża lura lill-Kumitat.

Kapitolu VIII

FUQ L-INTERPRETAZZJONI TAS-SENTENZI

Artikolu 102

1.   It-talba għal interpretazzjoni għandha tiġi ppreżentata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 37 u 38 ta’ dawn ir-Regoli. Hija għandha wkoll tindika:

a)

is-sentenza kkonċernata;

b)

il-partijiet tas-sentenza li tagħhom tkun qed tintalab l-interpretazzjoni.

It-talba għandha titressaq kontra l-partijiet kollha fis-sentenza.

2.   Il-Qorti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta’ sentenza wara li tkun tat lill-partijiet l-opportunità sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali.

L-oriġinal tas-sentenza li tagħti l-interpretazzjoni għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tas-sentenza li tagħha ngħatat l-interpretazzjoni. Fil-marġni ta’ l-oriġinal tas-sentenza li tagħha ngħatat interpretazzjoni għandu jsir notament tas-sentenza li tat l-interpretazzjoni.

Kapitolu IX

FUQ IR-RINVIJI GĦAL DEĊIŻJONIJIET PRELIMINARI U FUQ PROĊEDURI OĦRA TA’ INTERPRETAZZJONI

Artikolu 103

1.   Fil-każ ikkontemplat mill-Artikolu 23 ta’ l-Istatut, il-proċedura għandha ssegwi d-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ħlief għal xi modifiki imposti min-natura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma applikabbli għar-rinviji għal deċiżjoni preliminari, previsti mill-Protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Frar 1968, fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kumpanniji u ta’ persuni ġuridiċi u mill-Protokoll dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali, li ġew iffirmati fil-Lussemburgu, fit-3 ta’ Ġunju 1971, kif ukoll għall-proċeduri stabbiliti mill-Artikolu 4 ta’ l-aħħar Protokoll.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma applikabbli wkoll għal rinviji għal deċiżjonijiet preliminari li jistgħu jkunu previsti minn ftehim oħra.

Artikolu 104

1.   Id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali kkontemplati mill-Artikolu 103 għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati Membri fil-verżjoni oriġinali, flimkien ma’ traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat destinatarju. Jekk ikun meħtieġ, minħabba t-tul tad-deċiżjoni tal-Qorti nazzjonali, din it-traduzzjoni għandha tiġi ssostitwita minn traduzzjoni, fil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat destinatarju, ta’ sunt tad-deċiżjoni, liema sunt għandu jservi ta’ bażi biex fuqu tittieħed il-pożizzjoni ta’ dak l-Istat. Is-sunt għandu jinkludi t-test integrali tad-domanda jew tad-domandi rrinvjati għal deċiżjoni preliminari. Dan is-sunt għandu jinkludi, b’mod partikolari, safejn dawn l-elementi jidhru fid-deċiżjoni tal-Qorti nazzjonali, is-suġġett tal-proċedimenti fil-kawża prinċipali, l-argumenti ewlenin tal-partijiet fil-kawża prinċipali, preżentazzjoni qasira tar-raġunijiet għar-rinviju, kif ukoll il-ġurisprudenza u d-dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ l-Unjoni u nazzjonali invokati.

Fil-każijiet previsti mit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut, id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali għandhom jiġu kkomunikati lill-Istati kontraenti tal-Ftehim ŻEE, li mhumiex Stati Membri, kif ukoll lill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA fil-verżjoni oriġinali, flimkien ma’ traduzzjoni tad-deċiżjoni, jew sunt jekk ikun il-każ, f’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 29(1), li għandha tiġi magħżula mill-Istat destinatarju.

Meta Stat terz ikollu d-dritt li jkun parti fi proċedura għal deċiżjoni preliminari skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut, id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali għandha tiġi kkomunikata lilu fil-verżjoni oriġinali, flimkien ma’ traduzzjoni tad-deċiżjoni, jew sunt jekk ikun il-każ, f’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 29(1), li għandha tiġi magħżula mill-Istat terz ikkonċernat.

2.   Fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti għandha tikkunsidra r-Regoli tal-Proċedura applikabbli quddiem il-qorti nazzjonali li għamlet ir-rinviju f’dak li għandu x’jaqsam mar-rappreżentanza u mad-dehra tal-partijiet fil-kawża prinċipali.

3.   Fil-każ li domanda għal deċiżjoni preliminari tkun identika għal domanda li l-Qorti diġà ddeċidiet dwarha, jew fil-każ li t-tweġiba għal tali domanda tkun tista’ kjarament tiġi dedotta mill-ġurisprudenza, il-Qorti tista’, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, f’kull waqt, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, li jkun fih referenza għas-sentenza preċedenti jew għall-ġurisprudenza kkonċernata.

Il-Qorti tista’ wkoll tagħti d-deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, wara li tinforma l-qorti li tkun irrinvijat id-domanda lilha, wara li tkun semgħet l-osservazzjonijiet eventwali tal-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali fil-każ li t-tweġiba għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli.

4.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, fil-każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-proċedura quddiem il-Qorti għandha tinkludi fażi orali. Madankollu, wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet jew ta’ l-osservazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, u wara li tkun infurmat lill-interessati li, skond id-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq, għandhom dritt li jippreżentaw dawn is-sottomissjonijiet jew osservazzjonijiet u jekk l-ebda wieħed minnhom ma jippreżenta talba li tindika r-raġunijiet li għalihom jixtieq jinstema’, il-Qorti tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi mod ieħor. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien tliet ġimgħat mid-data tan-notifika tal-parti jew ta’ l-interessat tas-sottomissjonijiet jew ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub li jkunu ġew ippreżentati. Dan it-terminu jista’ jiġi pprorogat mill-President.

5.   Wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti tista’ titlob kjarifiki lill-qorti nazzjonali.

6.   Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

F’każijiet partikolari, il-Qorti tista’ tagħti, bħala benefiċċju ta’ għajnuna legali bla ħlas, assistenza intiża sabiex tiffaċilita r-rappreżentanza jew id-dehra ta’ parti.

Artikolu 104a

Fuq talba tal-qorti nazzjonali, u fuq proposta ta’ l-Imħallef Relatur, il-President jista’, f’każijiet eċċezzjonali u wara li jisma’ lill-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li japplika l-proċedura mħaffa, liema proċedura tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli, meta ċ-ċirkustanzi invokati jixhdu l-urġenza straordinarja sabiex issir deċiżjoni dwar id-domanda rinvijata għal deċiżjoni preliminari.

F’dan il-każ, il-President għandu jistabbilixxi minnufih id-data tas-seduta, li għandha tiġi kkomunikata, flimkien man-notifika tad-deċiżjoni tar-rinviju, lill-partijiet fil-kawża prinċipali u lill-persuni l-oħra interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut.

Il-partijiet u l-persuni l-oħra interessati msemmija fil-paragrafu preċedenti jistgħu, fit-terminu stabbilit mill-President, li ma jistax ikun ta’ inqas minn 15-il jum, jippreżentaw sottomissjonijiet jew osservazzjonijiet bil-miktub. Il-President jista’ jistieden lill-partijiet u lill-persuni interessati kkonċernati l-oħra sabiex jillimitaw is-sottomissjonijiet jew l-osservazzjonijiet tagħhom għall-punti essenzjali ta’ liġi mqajma fid-domanda rrinvijata għal deċizjoni preliminari.

Fil-każ li jkun hemm sottomissjonijiet jew osservazzjonijiet bil-miktub, dawn għandhom jiġu kkomunikati qabel is-seduta lill-partijiet u lill-persuni interessati l-oħra imsemmija hawn fuq.

Il-Qorti għandha tiddeċiedi wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali.

Artikolu 104b

1.   Rinviju għal deċiżjoni preliminari li jqajjem kwistjoni waħda jew aktar li jikkonċernaw l-oqsma msemmija fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea jista’, fuq talba tal-qorti nazzjonali jew, eċċezzjonalment, ex officio, jinstema’ skond proċedura b’urġenza li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli.

It-talba tal-qorti nazzjonali għandha tesponi ċ-ċirkustanzi ta’ dritt u ta’ fatt li jistabbilixxu l-urġenza u li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura derogatorja, u għandha tindika, safejn ikun possibbli, ir-risposta li hija tipproponi għad-domandi preliminari.

Jekk il-qorti nazzjonali ma tkunx ippreżentat talba għall-proċedura b’urġenza, il-President tal-Qorti jista’, jekk l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura tidher prima facie neċessarja, jitlob lill-Awla hawn taħt imsemmija sabiex teżamina l-bżonn li r-rinviju jinstema’ skond l-imsemmija proċedura.

Id-deċiżjoni li rinviju jinstema’ skond il-proċedura b’urġenza għandha tittieħed mill-Awla magħżula, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali. Il-kompożizzjoni ta’ l-Awla għandha tiġi ddeterminata skond l-Artikolu 11c fil-jum li fih tiġi assenjata l-kawża lill-Imħallef Relatur jekk l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza tintalab mill-qorti nazzjonali jew, jekk l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura tiġi eżaminata fuq talba tal-President tal-Qorti, fil-jum li fih tiġi ppreżentata din it-talba.

2.   Rinviju preliminari msemmi fil-paragrafu preċedenti għandu, meta l-qorti nazzjonali titlob l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza jew meta l-President jitlob lill-Awla magħżula teżamina l-bżonn li r-rinviju jinstema’ skond din il-proċedura, jiġi immedjatament innotifikat mir-Reġistratur lill-partijiet fil-kawża quddiem il-qorti nazzjonali, lill-Istat Membru minn fejn toriġina din il-qorti u lill-istituzzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut, taħt il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

Id-deċiżjoni dwar jekk ir-rinviju preliminari jinstemax jew le skond il-proċedura b’urġenza għandha tiġi nnotifikata immedjatament lill-qorti nazzjonali u lill-partijiet, lill-Istat Membru u lill-istituzzjonijiet imsemmija fis-subparagrafu preċedenti. Id-deċiżjoni li r-rinviju jinstema’ skond il-proċedura b’urġenza għandha tistabbilixxi t-terminu li fih dawn ta’ l-aħħar jistgħu jippreżentaw in-noti jew l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub. Id-deċiżjoni tista’ tippreċiża l-punti ta’ dritt li għandhom jiġu ttrattati f’dawn in-noti jew osservazzjonijiet bil-miktub u tista’ tiffissa t-tul massimu ta’ dawn in-noti jew osservazzjonijiet.

Hekk kif issir in-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu, ir-rinviju preliminari għandu wkoll jiġi kkomunikat lill-partijiet l-oħra interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut oltre d-destinatarji ta’ l-imsemmija notifika, u d-deċiżjoni dwar jekk ir-rinviju preliminari jinstemax jew le skond il-proċedura b’urġenza tiġi kkomunikata lil dawn l-istess partijiet interessati hekk kif issir in-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu.

Il-partijiet u dawk l-oħra interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut għandhom jiġu informati malajr kemm jista’ jkun bid-data prevista għas-seduta.

Meta r-rinviju ma jinstemax skond il-proċedura b’urġenza, il-proċedura għandha tkompli skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut u d-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ dawn ir-regoli.

3.   Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li jinstema’ skond proċedura b’urġenza kif ukoll in-noti jew l-osservazzjonijiet bil-miktub li jiġu ppreżentati għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ l-Istatut barra mill-partijiet u l-partijiet l-oħra interessati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu preċedenti. Mar-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jkun hemm traduzzjoni, u jekk ikun il-każ, sunt, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 104(1).

In-noti jew l-osservazzjonijiet bil-miktub għandhom ukoll jiġu nnotifikati lill-partijiet u lill-partijiet l-oħra interessati msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu preċedenti.

Id-data tas-seduta għandha tiġi kkomunikata lill-partijiet u lill-partijiet l-oħra interessati flimkien man-notifiki msemmija fis-subparagrafi preċedenti.

4.   Fil-każ ta’ urġenza estrema, l-Awla tista’ tiddeċiedi li teskludi l-fażi bil-miktub tal-proċedura, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

5.   L-Awla magħżula għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali.

Hija tista’ tiddeċiedi li toqgħod bi tliet Imħallfin. F’dan il-każ, hija tkun komposta mill-President ta’ l-Awla, l-Imħallef Relatur u l-ewwel jew, jekk ikun il-każ, l-ewwel żewġ Imħallfin magħżula mil-lista msemmija fl-Artikolu 11c(2), meta tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni ta’ l-Awla magħżula skond ir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Hija tista’ tiddeċiedi wkoll li tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti sabiex din tiġi assenjata lil kulleġġ ġudikanti ikbar. Il-proċedura b’urġenza għandha ssir quddiem il-kulleġġ ġudikanti ġdid, jekk ikun il-każ, wara li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali.

6.   L-atti tal-proċedura previsti f’dan l-Artikolu għandhom jitqiesu li ġew ippreżentati malli jkunu ġew trażmessi lir-Reġistru, permezz ta’ faks jew kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni li għandha l-Qorti, ta’ kopja ta’ l-oriġinali ffirmata u ta’ atti u dokumenti invokati in sostenn ta’ l-att, flimkien man-nota msemmija fl-Artikolu 37(4). L-oriġinali ta’ l-att u l-annessi msemmija aktar ’il fuq għandhom jintbagħtu lir-Reġistru tal-Qorti.

In-notifiki u l-komunikazzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu jistgħu jsiru billi tintbagħat kopja tad-dokument permezz ta’ faks jew kwalunkwe mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni li għandhom il-Qorti u d-destinatarju.

Kapitolu X

FUQ IL-PROĊEDURI SPEĊJALI PREVISTI FL-ARTIKOLI 103 SA 105 TAT-TKEEA

Artikolu 105

1.   Ir-rikors li jsir skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 103 TKEEA, għandu jiġi ppreżentat f’erba’ kopji awtentikati u għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea.

2.   Abbozz tal-ftehim jew tal-kuntratt ikkonċernat, bl-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea indirizzati lill-Istat interessat, kif ukoll id-dokumenti l-oħra kollha li jsostnuh, għandu jiġi anness mar-rikors.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha lill-Qorti f’terminu ta’ għaxart’ijiem, li jista’ jiġi pprorogat mill-President wara li jisma’ lill-Istat interessat.

Kopja awtenikata ta’ l-osservazzjonijiet imsemmija hawn fuq għandha tiġi nnotifikata lil dan l-Istat.

3.   Malli r-rikors jiġi ppreżentat, il-President għandu jaħtar l-Imħallef Relatur. Minnufih wara l-ħatra ta’ l-Imħallef Relatur, l-Avukat Ġenerali Prinċipali għandu jiddeċiedi dwar l-assenjazzjoni tal-Kawża lil wieħed mill-Avukati Ġenerali.

4.   Id-deċiżjoni għandha tittieħed in camera, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali.

L-aġenti jew il-konsulenti ta’ l-Istat interessat u tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jinstemgħu, fuq talba tagħhom.

Artikolu 106

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 37 et seq ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli fil-każijiet previsti fl-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 104 u fl-aħħar paragrafu ta’ l-Artikolu 105 TKEEA.

2.   Ir-rikors għandu jiġi nnotifikat lill-Istat ta’ appartenenza tal-persuna jew l-impriża li kontra tagħha r-rikors huwa indirizzat.

Kapitolu XI

FUQ L-OPINJONIJIET

Artikolu 107

1.   Jekk it-talba għal opinjoni preliminari prevista fl-Artikolu 218 TFUE tiġi ppreżentata mill-Parlament Ewropew, din għandha tiġi nnotifikata lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri. Jekk it-talba tiġi ppreżentata mill-Kunsill, din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew. Jekk it-talba tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, din għandha tiġi nnotifikata lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri. Jekk it-talba tiġi ppreżentata minn wieħed mill-Istati Membri, din għandha tiġi nnotifikata lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri l-oħra.

Il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri nnotifikati bit-talba jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

2.   L-opinjoni tista’ tirrigwarda kemm il-kompatibbiltà tal-ftehim ikkonċernat mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati kif ukoll il-kompetenza ta’ l-Unjoni jew ta’ waħda mill-istituzzjonijiet sabiex tikkonkludi tali ftehim.

Artikolu 108

1.   Malli tiġi ppreżentata t-talba għal opinjoni preliminari prevista fl-Artikolu preċedenti, il-President għandu jaħtar Imħallef Relatur.

2.   Wara li tisma’ lill-Avukati Ġenerali, il-Qorti għandha tagħti opinjoni motivata in camera.

3.   L-opinjoni, iffirmata mill-President, mill-Imħallfin li jkunu pparteċipaw fid-deliberazzjonijiet u mir-Reġistratur, għandha tiġi nnotifikata lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri.

Artikolu 109

(Imħassar)

Kapitolu XII

FUQ IT-TALBIET GĦAL INTERPRETAZZJONI PREVISTI FL-ARTIKOLU 68 TAT-TRATTAT KE

Artikolu 109a

(Imħassar)

Kapitolu XIII

FUQ IS-SOLUZZJONI TAL-KWISTJONIJIET PREVISTI MILL-ARTIKOLU 35 TAT-TRATTAT DWAR L-UNJONI, FIL-VERŻJONI TIEGĦU FIS-SEĦĦ QABEL ID-DĦUL FIS-SEĦĦ TAT-TRATTAT TA’ LISBONA

Artikolu 109b

1.   Fil-każ ta’ kwistjonijiet bejn l-Istati Membri previsti fl-Artikolu 35(7) TUE fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kif miżmum fis-seħħ permezz tal-Protokoll Nru 36 anness mat-Trattati, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Qorti minn waħda mill-partijiet permezz ta’ talba. It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-Istati Membri l-oħra kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea.

Fil-każ ta’ kwistjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea previsti fl-Artikolu 35(7) TUE fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, kif miżmum fis-seħħ permezz tal-Protokoll Nru 36 anness mat-Trattati, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Qorti minn waħda mill-partijiet permezz ta’ talba. It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni Ewropea jekk din tkun ġiet imressqa minn Stat Membru. It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kunsill jekk din tkun ġiet imressqa mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri li ġew innotifikati bit-talba, jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

2.   Malli t-talba prevista fil-paragrafu 1 tiġi ppreżentata, il-President għandu jaħtar Imħallef Relatur. Minnufih wara dan, l-Avukat Ġenerali Prinċipali għandu jassenja dik it-talba lil wieħed mill-Avukati Ġenerali.

3.   Il-Qorti għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta’ sentenza, wara li jiġu ppreżentati l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali.

Il-proċedura dwar it-talba għandha jkollha fażi orali jekk xi Stat Membru jew waħda mill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu 1 titlob dan.

4.   L-istess proċedura għandha tapplika meta ftehim konkluż bejn l-Istati Membri jagħti l-kompetenza lill-Qorti sabiex tiddeċiedi dwar xi kwistjoni bejn l-Istati Membri jew bejn l-Istati Membri u xi istituzzjoni.

TITOLU IV

FUQ L-APPELLI MID-DEĊIŻJONIJIET TAL-QORTI ĠENERALI

Artikolu 110

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 29(2) (b) u (ċ), u r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 29(3) ta’ dawn ir-Regoli, fil-każ ta’ appell mid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali skond l-Artikoli 56 u 57 ta’ l-Istatut, il-lingwa tal-kawża hija dik tad-deċiżjoni tat-Qorti Ġenerali li tkun qiegħda tiġi appellata.

Artikolu 111

1.   L-appell għandu jsir permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali.

2.   Ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali għandu jibgħat minnufih il-proċess tal-kawża ta’ l-ewwel istanza u, jekk ikun il-każ, ir-rikors ta’ l-appell, lir-Reġistru tal-Qorti.

Artikolu 112

1.   Ir-rikors ta’ l-appell għandu jinkludi:

a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tagħmel l-appell, li tissejjaħ ir-rikorrent;

b)

id-dettalji tal-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali;

ċ)

ir-raġunijiet u l-argumenti ta’ dritt invokati;

d)

it-talbiet tar-rikorrent.

L-Artikoli 37 u 38(2) u (3) ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli għall-appell.

2.   Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tkun qiegħda tiġi appellata għandha tiġi annessa mar-rikors ta’ l-appell. Għandha tiġi indikata d-data li fiha d-deċiżjoni appellata tkun ġiet innotifikata lir-rikorrent.

3.   Jekk ir-rikors ta’ l-appell ma jikkonformax ma’ l-Artikolu 38(3) jew il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 38(7) ta’ dawn ir-Regoli huwa applikabbli.

Artikolu 113

1.   It-talbiet fir-rikors ta’ l-appell għandhom ikunu intiżi:

għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali;

sabiex jintlaqgħu l-istess talbiet, b’mod totali jew parzjali, ippreżentati fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida.

2.   L-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali.

Artikolu 114

Ir-rikors ta’ l-appell għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet kollha fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. L-Artikolu 39 ta’ dawn ir-Regoli huwa applikabbli.

Artikolu 115

1.   Kull waħda mill-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tista’ tippreżenta risposta ta’ l-appell fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tar-rikors ta’ l-appell. Dan it-terminu għar-risposta ma jistax jiġi pprorogat.

2.   Ir-risposta ta’ l-appell għandha tinkludi:

a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tippreżentaha;

b)

id-data li fiha r-rikors ta’ l-appell ġie nnotifikat lil din il-parti;

ċ)

ir-raġunijiet u l-argumenti ta’ dritt invokati;

d)

it-talbiet.

L-Artikolu 37 u l-Artikolu 38(2) u (3) ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli.

Artikolu 116

1.   It-talbiet fir-risposta ta’ l-appell għandhom ikunu intiżi:

għaċ-ċaħda totali jew parzjali ta’ l-appell, jew l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali,

sabiex jintlaqgħu t-talbiet, b’mod totali jew parzjali, ippreżentati fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida.

2.   Ir-risposta ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Artikolu 117

1.   Ir-rikors ta’ l-appell u r-risposta ta’ l-appell jistgħu jiġu kkompletati bir-replika u bil-kontroreplika jekk il-President, wara li ssir talba f’dan is-sens mir-rikorrent f’terminu ta’ sebat ijiem mid-data tan-notifika tar-risposta, jidhirlu li dan ikun neċessarju u jawtorizza espressament il-preżentata ta’ replika sabiex jippermetti lir-rikorrent jiddefendi l-perspettiva tiegħu jew jipprepara d-deċiżjoni dwar l-appell. Il-President għandu jistabbilixxi d-data li fiha r-replika għandha tiġi ppreżentata u, man-notifika ta’ tali replika, id-data li fiha kontroreplika għandha tiġi ppreżentata.

2.   Fil-każ li t-talbiet fir-risposta ta’ l-appell huma intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fuq raġuni li ma kinitx ġiet mqajma fir-rikors ta’ l-appell, ir-rikorrent jew kull waħda mill-partijiet l-oħra jistgħu jippreżentaw replika fuq din ir-raġuni biss, f’terminu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika tar-risposta kkonċernata. Il-paragrafu 1 huwa applikabbli għas-sottomissjonijiet komplementari kollha li jiġu ppreżentati wara din ir-replika.

Artikolu 118

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li ġejjin, l-Artikolu 42(2), u l-Artikoli 43, 44, 55 sa 90, 93, 95 sa 100 u 102 ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti fil-każ ta’ appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali

Artikolu 119

Meta l-appell ikun, totalment jew parzjalment, manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti tista’, f’kull waqt, wara r-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiċħad l-appell, totalment jew parzjalment, permezz ta’ digriet motivat.

Artikolu 120

Wara l-preżentata tad-dokumenti previsti mill-Artikolu 115(1) u, jekk ikun il-każ, wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet previsti mill-Artikolu 117(1) u (2) ta’ dawn ir-Regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fuq ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali u lill-partijiet, tiddeċiedi li taqta’ l-appell mingħajr fażi orali, sakemm waħda mill-partijiet ma tippreżentax talba li fiha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tixtieq li tinstema’. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien tliet ġimgħat mid-data li fiha dik il-parti tiġi nnotifikata bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub. Dan it-terminu jista’ jiġi pprorogat mill-President.

Artikolu 121

Ir-rapport previst fl-Artikolu 44(2) għandu jiġi ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet previsti fl-Artikolu 115(1) u, jekk ikun il-każ, fl-Artikolu 117(1) u (2). Jekk dawn is-sottomissjonijiet ma jiġux ippreżentati, l-istess proċedura għandha tapplika ma’ l-iskadenza tat-terminu pprovdut għall-preżentata tagħhom.

Artikolu 122

Meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Fil-kawżi bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħhom:

l-Artikolu 70 ta’ dawn ir-Regoli japplika biss fil-każ ta’ appelli li jsiru mill-istituzzjonijiet;

b’deroga mill-Artikolu 69(2) ta’ dawn ir-Regoli, il-Qorti tista’, fl-appelli mressqa mill-uffiċjali jew mill-aġenti oħra ta’ xi istituzzjoni, tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż bejn il-partijiet, safejn hekk titlob l-ekwità.

Jekk l-appell jiġi rtirat, l-Artikolu 69(5) huwa applikabbli.

Jekk appell magħmul minn Stat Membru jew minn xi istituzzjoni li ma tkunx interveniet fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali jkun fondat, il-Qorti tista’ tiddeċiedi li l-ispejjeż għandhom jiġu maqsuma bejn il-partijiet jew li r-rikorrent li jkun rebaħ iħallas lura lill-parti telliefa l-ispejjeż li jkun ġarrab minħabba dan l-appell.

Artikolu 123

It-talba għal intervent ippreżentata lill-Qorti matul il-proċedura ta’ l-appell, għandha tiġi ddepożitata qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ xahar mill-pubblikazzjoni msemmija fl-Artikolu 16(6).

TITOLU IVa

FUQ L-EŻAMI MILL-ĠDID TAD-DEĊIŻJONIJIET TAL-QORTI ĠENERALI

Artikolu 123a

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 62 ta’ l-Istatut, li teżamina mill-ġdid deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-lingwa tal-kawża għandha tkun dik tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li għandha tiġi eżaminata mill-ġdid, bla ħsara għall-Artikolu 29(2)(b) u (c) u għar-raba’ u għall-ħames subparagrafi tal-paragrafu (3) ta’ dawn ir-Regoli.

Artikolu 123b

Għandha titwaqqaf awla speċjali sabiex jiġi deċiż, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 123d, jekk hemmx lok għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali skond l-Artikolu 62 ta’ l-Istatut.

Din l-awla għandha tkun komposta mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u minn erbgħa mill-Presidenti ta’ awla b’ħames imħallfin maħtura skond l-ordni stabbilit fl-Artikolu 6 ta’ dawn ir-Regoli.

Artikolu 123c

Minn meta tiġi ffissata d-data li fiha tingħata deċiżjoni skond l-Artikolu 256(2) jew (3) TFUE, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali għandu jinforma b’dan lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa għandu jikkomunika lilu din id-deċiżjoni minn meta tingħata.

Artikolu 123d

Il-proposta ta’ l-Avukat Ġenerali li tiġi eżaminata mill-ġdid deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi trażmessa lill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u, fl-istess ħin, ir-Reġistratur għandu jiġi informat b’din it-trażmissjoni. Hekk kif id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tingħata skond l-Artikolu 256(3) TFUE, ir-Reġistratur għandu jinforma minnufih lill-Qorti Ġenerali, lill-qorti nazzjonali, lill-partijiet fil-kawża quddiemha u lill-partijiet interessati l-oħra msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 62a ta’ l-Istatut, bil-proposta ta’ eżami mill-ġdid.

Hekk kif jirċievi l-proposta ta’ eżami mill-ġdid, il-President għandu jaħtar l-Imħallef Relatur minn fost l-imħallfin ta’ l-awla msemmija fl-Artikolu 123b.

Din l-awla għandha tiddeċiedi, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, jekk hemmx lok għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Id-deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tindika l-kwistjonijiet li għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid.

Hekk kif id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tingħata skond l-Artikolu 256(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali, il-partijiet fil-kawża quddiemha u l-partijiet interessati l-oħra msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 62a ta’ l-Istatut, għandhom minnufih jiġu informati mir-Reġistratur bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

Hekk kif id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tingħata skond l-Artikolu 256(3) TFUE, il-Qorti Ġenerali u l-qorti nazzjonali, il-partijiet fil-kawża quddiemha u l-partijiet interessati l-oħra msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 62a ta’ l-Istatut, għandhom jiġu minnufih informati mir-Reġistratur bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina mill-ġdid jew le d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Id-deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi ppubblikata permezz ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 123e

Id-deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet u lill-partijiet interessati oħra msemmija fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 62a ta’ l-Istatut. In-notifika lill-Istati Membri u lill-Istati li huma partijiet fil-Ftehim ŻEE, barra l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, għandha jkollha magħha traduzzjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 104(1) ta’ dawn ir-Regoli. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha, barra minn hekk, tiġi kkomunikata lill-Qorti Ġenerali u, meta tkun deċiżjoni mogħtija minn din ta’ l-aħħar skond l-Artikolu 256(3) TFUE, lill-qorti nazzjonali kkonċernata.

F’terminu ta’ xahar li jibda jiddekorri min-notifika msemmija fis-subparagrafu preċedenti, il-partijiet u l-partijiet interessati oħra li lilhom tkun ġiet innotifikata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jippreżentaw noti jew osservazzjonijiet bil-miktub fuq il-kwistjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ l-eżami mill-ġdid.

Minn meta tingħata d-deċiżjoni ta’ eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, l-Avukat Ġenerali Ewlieni għandu jassenja l-eżami mill-ġdid lil Avukat Ġenerali.

Wara li jkun innomina l-Imħallef Relatur, il-President jiffissa d-data li fiha dan ta’ l-aħħar ikollu jippreżenta rapport preliminari fil-laqgħa ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan ir-rapport għandu jinkludi l-proposti ta’ l-Imħallef Relatur dwar l-implementazzjoni ta’ miżuri preparatorji eventwali, il-kulleġġ ġudikanti li lilu għandu jiġi assenjat l-eżami mill-ġdid u n-neċessità li tiġi prevista seduta għat-trattazzjoni, kif ukoll il-modalitajiet tat-teħid ta’ pożizzjoni ta’ l-Avukat Ġenerali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li tisma’ l-Avukat Ġenerali, għandha tiddeċiedi fuq l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fuq il-proposti ta’ l-Imħallef Relatur.

Meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li hija s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid tkun ingħatat skond l-Artikolu 256(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

TITOLU V

FUQ IL-PROĊEDURI PREVISTI MILL-FTEHIM ŻEE

Artikolu 123f

1.   Fil-każ previst mill-Artikolu 111(3) tal-Ftehim ŻEE (3), il-kwistjoni għandha tiġi mressqa quddiem il-Qorti permezz ta’ talba magħmula mill-Partijiet Kontraenti li huma partijiet fil-kwistjoni. Din it-talba għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet Kontraenti l-oħra, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u, jekk ikun il-każ, lill-interessati l-oħra li jiġu nnotifikati fil-każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li jqajjem l-istess kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Unjoni.

Il-President għandu jistabbilixxi terminu li fih il-Partijiet Kontraenti u l-interessati l-oħra li jiġu nnotifikati bit-talba għandhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub.

It-talba għandha ssir f’waħda fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 29(1). Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 sa 5 ta’ dan l-Artikolu huma applikabbli. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 104(1) huma applikabbli mutatis mutandis.

2.   Malli t-talba prevista fil-paragrafu 1 tiġi ppreżentata, il-President għandu jaħtar Imħallef Relatur. Minnufih wara dan, l-Avukat Ġenerali Prinċipali għandu jassenja t-talba lill-wieħed mill-Avukati Ġenerali.

Wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti għandha tagħti deċiżjoni motivata dwar it-talba in camera.

3.   Id-deċiżjoni tal-Qorti, iffirmata mill-President, mill-Imħallfin li pparteċipaw fid-deliberazzjonijiet u mir-Reġistratur, għandha tiġi nnotifikata lill-Partijiet Kontraenti u lill-interessati l-oħra msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 123g

Fil-każ previst mill-Artikolu 1 tal-Protokoll 34 tal-Ftehim ŻEE, it-talba tal-qorti nazzjonali għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet fil-kawża, lill-Partijiet Kontraenti, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, u jekk ikun il-każ, lill-interessati l-oħra li huma nnotifikati fil-każ ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li jqajjem l-istess kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Unjoni.

Jekk it-talba ma tiġix ippreżentata f’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 29(1), hija għandha jkollha magħha traduzzjoni f’waħda minn dawn il-lingwi.

Il-partijiet, il-Partijiet Kontraenti u l-interessati l-oħra previsti fl-ewwel paragrafu jistgħu jippreżentaw sottomissjonijiet jew osservazzjonijiet bil-miktub fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika.

Il-proċedura hija rregolata mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli, bl-eċċezjoni ta’ xi modifiki li jistgħu jkunu meħtieġa minħabba n-natura tat-talba.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 124

1.   Il-President għandu javża lill-persuni msejħa sabiex jieħdu ġurament quddiem il-Qorti bħala xhieda jew bħala periti sabiex jgħidu l-verità jew sabiex jaqdu l-kariga tagħhom b’kuxjenza u b’imparzjalità sħiħa, u għandu jiġbdilhom l-attenzjoni għall-konsegwenzi kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-każ ta’ ksur ta’ dan id-dmir.

2.   Ix-xhieda għandhom jieħdu l-ġurament skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 47(5), jew skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tax-xhieda tipprovdi l-possibbiltà li, fil-qasam tal-proċedura ġudizzjarja, minbarra l-ġurament, minfloku jew flimkien miegħu, issir dikjarazzjoni li tissostitwih, ix-xhieda jistgħu jagħmlu din id-dikjarazzjoni taħt il-kundizzjonijiet u l-forom stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdi, la għall-possibbiltà li jittieħed ġurament u l-anqas għall-possibbiltà li ssir din id-dikjarazzjoni, għandha tiġi segwita l-proċedura prevista fil-paragrafu 1.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 huma applikabbli mutatis mutandis għall-periti iżda minflok l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 47(5) ta’ dawn ir-Regoli, huwa applikabbli l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 49(6).

Artikolu 125

Bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 253 TFUE, il-Qorti, wara li tikkonsulta mal-Gvernijiet interessati, għandha tadotta, f’dak li għandu x’jaqsam magħha, regoli addizzjonali dwar:

a)

l-ittri rogatorji;

b)

it-talbiet għall-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali bla ħlas;

ċ)

id-denunzja mill-Qorti ta’ ksur ta’ ġurament tax-xhieda u tal-periti skond l-Artikolu 30 ta’ l-Istatut.

Artikolu 125a

Il-Qorti tista’ toħroġ istruzzjonijiet prattiċi dwar, b’mod partikolari, il-preparazzjoni u l-iżvolġiment tas-seduti quddiemha kif ukoll il-preżentata tas-sottomissjonijiet jew ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub.

Artikolu 126

Dawn ir-Regoli jissostitwixxu r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea adottati fl-4 ta’ Diċembru 1974 ( Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej Nru. L 350 tat-28 ta’ Diċembru 1974, paġna 1 ), kif l-aħħar emendati fil-15 ta’ Mejju 1991.

Artikolu 127

Dawn ir-Regoli, li huma awtentiċi fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 29(1) ta’ dawn ir-Regoli, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-pubblikazzjoni tagħhom.


(1)  ĠU L 176 ta’ l-4.7.1991, p. 7, b’rettifika fil-ĠU L 383 tad-29.12.1992, p. 117, bl-emendi tal-21 ta’ Frar 1995, ippubblikati fil-ĠU tat-28.2.1995, p. 61, tal-11 ta’ Marzu 1997, ippubblikati fil-ĠU L 103 tad-19.4.1997, p. 1, b’rettifika fil-ĠU L 351 tat-23.12.1997, p. 72, tas-16 ta’ Mejju 2000, ippubblikati fil-ĠU L 122 ta’ l-24.5.2000, p. 43, u tat-28 ta’ Novembru 2000, ippubblikati fil-ĠU L 322 tad-19.12.2000, p. 1, tat-3 ta’ April 2001, ippubblikati fil-ĠU L 119 tas-27.4.2001, p. 1, tas-17 ta’ Settembru 2002, ippubblikati fil-ĠU L 272 ta’ l-10.10.2002, p. 24, b’rettifika fil-ĠU L 281 tad-19.10.2002, p. 24, tat-8 ta’ April 2003, ippubblikati fil-ĠU L 147 ta’ l-14.6.2003, p. 17, għall-Anness tar-Regoli, id-deċiżjoni tal-Qorti ta’ l-10 ta’ Ġunju 2003, ippubblikata fil-ĠU L 172 ta’ l-10 ta’ Lulju 2003, p. 12, bl-emendi tad-19 ta’ April 2004, ippubblikati fil-ĠU L 132 tad-29.4.2004, p. 2, bl-emendi ta’ l-20 ta’ April 2004, ippubblikati fil-ĠU L 127 tad-29.4.2004, p. 107, bl-emendi tat-12 ta’ Lulju 2005, ippubblikati fil-ĠU L 203 ta’ l-4.8.2005, p. 19, bl-emendi tat-18 ta’ Ottubru 2005, ippubblikati fil-ĠU L 288 tad-29.10.2005, p. 51, bl-emendi tat-18 ta’ Diċembru 2006, ippubblikati fil-ĠU L 386 tad-29.12.2006, p. 44, bl-emendi tal-15 ta’ Jannar 2008, ippubblikati fil-ĠU L 24 tad-29 ta’ Jannar 2008, p. 39, bl-emendi tat-23 ta’ Ġunju 2008, ippubblikati fil-ĠU L 200 tad-29.7.2008, p. 20, bl-emendi tat-8 ta’ Lulju 2008, ippubblikati fil-ĠU L 200 tad-29.7.2008, p. 18, bl-emendi tat-13 ta’ Jannar 2009, ippubblikati fil-ĠU L 24 tat-28.1.2009, p. 8, u bl-emendi tat-23 ta’ Marzu 2010, ippubblikati fil-ĠU L 92 tat-13.4.2010, p. 12.

(2)  Ara l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1103/97, dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-introduzzjoni tal-Euro (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 81)

(3)  ĠU L 1 tat-3.1.1994, p. 27.


ANNESS

DEĊIŻJONI DWAR IL-JIEM TA' VAKANZA

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 80(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jinkariga lill-Qorti sabiex tistabbilixxi l-lista tal-jiem ta' vakanza legali,

TIDDEĊIEDI:

Artikolu 1

Skond l-Artikolu 80(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-lista tal-jiem ta' vakanza legali hija stabbilita kif ġej:

l-ewwel jum tas-sena,

it-Tnejn ta' wara Ħadd-il Għid,

l-1 ta' Mejju,

l-Axxensjoni,

it-Tnejn tal-Pentekoste,

it-23 ta' Ġunju,

il-15 ta' Awwissu,

l-1 ta' Novembru,

il-25 ta' Diċembru,

is-26 ta' Diċembru.

Il-jiem ta' vakanza legali msemmija fl-ewwel paragrafu huma dawk osservati fil-post fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-sede tagħha.

Artikolu 2

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 80(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirreferu esklussivament għall-jiem ta' vakanza legali msemmija fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni, li hija annessa mar-Regoli tal-Proċedura, tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.


2.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/37


IL-QORTI ĠENERALI

VERŻJONI KONSOLIDATA MIR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI ĠENERALI

TAT-2 TA' MEJJU 1991

(2010/C 177/02)

L-edizzjoni presenti tikkonsolida:

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-2 ta' Mejju 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 6, p. 32) u l-emendi li jirriżultaw mill-atti segwenti:

1.

Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta' Settembru 1994 (ĠU L 249, 24.9.1994, p. 17),

2.

Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta' Frar 1995 (ĠU L 44, 28.2.1995, p. 64),

3.

Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-6 ta' Lulju 1995 (ĠU L 172, 22.7.1995, p. 3),

4.

Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Marzu 1997 (ĠU L 103, 19.4.1997, p. 6, u ĠU L 351, 23.12.1997, p. 72 – rettifika),

5.

Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-17 ta' Mejju 1999 (ĠU L 135, 29.5.1999, p. 92),

6.

Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-6 ta' Diċembru 2000 (ĠU L 322, 19.12.2000, p. 4),

7.

Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta' Mejju 2003 (ĠU L 147, 14.6.2003, p. 22),

8.

Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' April 2004 li temenda l-Artikoli 35(1) u (2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Mallti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 83),

9.

Emendi għar-regoli interni tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-21 ta' April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 81),

10.

Modifika tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Ottubru 2005 (ĠU L 298, 15.11.2005, p. 1),

11.

Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 li temenda r-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tar-reġim lingwistiku (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 45, L 200M, 29.12.2006, p. 593),

12.

Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Ġunju 2008 (ĠU L 179, 8.7.2008, p. 12),

13.

Emenda għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-14 ta' Jannar 2009 (ĠU L 24, 28.1.2009, p. 9),

14.

Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/170/KE, Euratom, tas-16 ta' Frar 2009, li temenda r-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tas-sistema lingwistika applikabbli għall-appelli kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 60, 4.3.2009, p. 3),

15.

Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-7 ta' Lulju 2009 (ĠU L 184, 16.7.2009, p. 10),

16.

Emendi għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta' Marzu 2010 (ĠU L 92, 13.4.2010, p. 14).

L-edizzjoni preżenti ma għandhiex forza legali u, għalhekk, il-preamboli tħallew barra.

 


VERŻJONI KONSOLIDATA TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI ĠENERALI

tat-2 ta’ Mejju 1991  (1)

SOMMARJU

Dispożizzjoni preliminari (Artikolu 1)

 

L-Ewwel Titolu

– Fuq l-organizzazzjoni tal-Qorti Ġenerali

Kapitolu I

– Fuq il-presidenza u l-membri tal-Qorti Ġenerali (Artikoli 2 sa 9)

Kapitolu II

– Fuq il-kostituzzjoni tal-Awli u fuq in-nomina ta’ l-Imħallfin Relaturi u ta’ l-Avukati Ġenerali (Artikoli 10 sa 19)

Kapitolu III

– Fuq ir-Reġistru

L-Ewwel Taqsima

– Fuq ir-Reġistratur (Artikoli 20 sa 27)

It-Tieni Taqsima

– Fuq id-dipartimenti (Artikoli 28 sa 30)

Kapitolu IV

– Fuq il-mod kif taħdem il-Qorti Ġenerali (Artikoli 31 sa 34)

Kapitolu V –

– Fuq is-sistema lingwistika (Artikoli 35 sa 37)

Kapitolu VI

– Fuq id-drittijiet u l-obbligi ta’ l-aġenti, tal-konsulenti u ta’ l-avukati (Artikoli 38 sa 42)

It-Tieni Titolu

– Fuq il-proċedura

Kapitolu I

– Fuq il-proċedura bil-miktub (Artikoli 43 sa 54)

Kapitolu II

– Fuq il-proċedura orali (Artikoli 55 sa 63)

Kapitolu III

– Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u fuq il-miżuri istruttorji

L-Ewwel Taqsima

– Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (Artikolu 64)

It-Tieni Taqsima

– Fuq il-miżuri istruttorji (Artikoli 65 sa 67)

It-Tielet Taqsima

– Fuq it-taħrika u l-eżami tax-xhieda u tal-periti (Artikoli 68 sa 76)

Kapitolu IIIa

– Fuq il-proċeduri mħaffa (Artikolu 76a)

Kapitolu IV

– Fuq is-sospensjoni tal-proċeduri u fuq l-astensjoni tal-Qorti Ġenerali (Artikoli 77 sa 80)

Kapitolu V

– Fuq is-sentenzi (Artikoli 81 sa 86)

Kapitolu VI

– Fuq l-ispejjeż (Artikolu 87 sa 93)

Kapitolu VII

– Fuq l-għajnuna legali (Artikoli 94 sa 97)

Kapitolu VIII

– Fuq ir-rinunzja għall-atti (Artikoli 98 u 99)

Kapitolu IX

– Fuq in-notifiki (Artikolu 100)

Kapitolu X

– Fuq it-termini (Artikoli 101 sa 103)

It-Tielet Titolu

– Fuq il-proċeduri speċjali

Kapitolu I

– Fuq is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni u miżuri provviżorji oħra permezz ta’ proċedura sommarja (Artikoli 104 sa 110)

Kapitolu II

– Fuq kwistjonijiet proċedurali (Artikoli 111 sa 114)

Kapitolu III

– Fuq l-intervent (Artikoli 115 u 116)

Kapitolu IV

– Fuq is-sentenzi mogħtija qabel l-annullament u r-rinviju (Artikoli 117 sa 121)

Kapitolu IVa

– Fuq id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali mogħtija wara eżami mill-ġdid u rinviju (Artikoli 121a sa 121d)

Kapitolu V

– Fuq is-sentenzi mogħtija fil-każ ta’ kontumaċja u fuq l-oppożizzjoni (Artikolu 122)

Kapitolu VI

– Fuq ir-rimedji eċċezzjonali

L-Ewwel Taqsima

– Fuq l-oppożizzjoni minn terzi (Artikoli 123 u 124)

It-Tieni Taqsima

– Fuq ir-reviżjoni (Artikoli 125 sa 128)

It-Tielet Taqsima

– Fuq l-interpretazzjoni tas-sentenzi (Artikolu 129)

Ir-Raba’ Titolu

– Fuq il-kwistjonijiet dwar il-proprjetà intellettwali (Artikoli 130 sa 136)

Il-Ħames Titolu

– Fuq l-appelli kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea (Artikoli 136a sa 149)

Dispożizzjonijiet finali (Artikoli 150 u 151)

 

DISPOŻIZZJONI PRELIMINARI

Artikolu 1

Fid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli:

id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea huma indikati bin-numru ta’ l-artikolu kkonċernat ta’ dan it-Trattat, segwit mill-akronimu “TFUE”,

id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika huma indikati bin-numru ta’ l-artikolu segwit mill-akronimu “TKEEA”,

il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea huwa msejjaħ “Statut”,

il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea huwa msejjaħ “Ftehim ŻEE”.

Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regoli:

il-kliem “istituzzjoni” jew “istituzzjonijiet” ifissru l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni u l-korpi jew l-organi maħluqa mit-Trattati jew minn att adottat in eżekuzzjoni tagħhom u li jistgħu jidhru quddiem il-Qorti,

“Awtorità tas-Sorveljanza EFTA” tfisser l-awtorità tas-sorveljanza prevista mill-Ftehim ŻEE.

L-EWWEL TITOLU

FUQ L-ORGANIZZAZZJONI TAL-QORTI ĠENERALI

Kapitolu I

FUQ IL-PRESIDENZA U L-MEMBRI TAL-QORTI ĠENERALI

Artikolu 2

1.   Il-membri kollha tal-Qorti Ġenerali jeżerċitaw, primarjament, il-funzjonijiet ta’ Mħallef.

Il-membri tal-Qorti Ġenerali huma minn hawn ‘il quddiem imsejħa “Mħallfin”.

2.   Kull Imħallef, ħlief il-President, jista’ jeżerċita, f'kawża partikolari, il-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli minn 17 sa 19.

Ir-referenzi f'dawn ir-Regoli għal Avukat Ġenerali huma applikabbli biss fil-każ li Mħallef jiġi nnominat bħala Avukat Ġenerali.

Artikolu 3

It-terminu tal-kariga ta’ Mħallef jibda jiddekorri mid-data stabbilita għal daqshekk fl-att tal-ħatra tiegħu. Jekk l-att tal-ħatra tiegħu ma jistabbilixxix data, it-terminu għandu jibda jiddekorri mid-data ta’ dak l-att.

Artikolu 4

1.   Qabel ma jibdew jaqdu d-dmirijiet tal-kariga tagħhom, l-Imħallfin jieħdu l-ġurament li ġej quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“Jiena naħlef li naqdi d-dmirijiet tiegħi b'imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza; jiena naħlef li nżomm sigrieti d-deliberazzjonijiet tal-Qorti.”

2.   Minnufih wara li jieħdu l-ġurament, l-Imħallfin jiffirmaw dikjarazzjoni li biha jintrabtu solennement li jirrispettaw, matul il-perijodu tal-kariga tagħhom u wara t-tmiem tagħha, l-obbligi li joħorġu minnha, b'mod partikolari l-obbligi ta’ onestà u ta’ diskrezzjoni f'dak li jirrigwarda l-aċċettazzjoni, wara t-tmiem ta’ din il-kariga, ta’ ċerti ħatriet u ta’ ċerti benefiċċji.

Artikolu 5

Fil-każijiet meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi mitluba, wara li tikkonsulta mal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi dwar jekk Imħallef għadx għandu r-rekwiżiti meħtieġa jew jekk għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jistieden lill-Imħallef ikkonċernat jidher quddiem il-Qorti fil-Kamra tal-Kunsill sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur.

L-opinjoni tal-Qorti Ġenerali għandha tkun motivata.

L-opinjoni li tikkonstata li Mħallef m'għadx għandu r-rekwiżiti meħtiega jew li m'għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu, għandha tkun sostnuta mill-inqas mill-maġġoranza tal-voti ta’ l-Imħallfin tal-Qorti Ġenerali. F'dan il-każ, id-distribuzzjoni tal-voti tiġi kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-vot ikun sigriet, u l-Imħallef ikkonċernat ma jiħux sehem fid-deliberazzjoni.

Artikolu 6

Bl-eċċezzjoni tal-President u tal-Presidenti ta’ l-Awla, l-ordni tal-preċedenza fost l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali huwa stabbilit, mingħajr distinzjoni, skond l-anzjanità fil-kariga.

Fil-każ li jkun hemm l-istess anzjanità fil-kariga, il-preċedenza għandha tkun stabbilita skond l-età.

Dawk l-Imħallfin u Avukati Ġenerali li fi tmiem il-kariga tagħhom jerġgħu jiġu maħtura jżommu l-preċedenza li kellhom qabel.

Artikolu 7

1.   Minnufih wara s-sostituzzjoni parzjali prevista mill-Artikoli 254 TFUE, l-Imħallfin għandhom jeleġġu wieħed minn fosthom bħala l-President tal-Qorti Ġenerali għal terminu ta’ tliet snin.

2.   Fil-każ li l-mandat tal-President tal-Qorti Ġenerali jintemm qabel ma jiskadi t-terminu normali tal-kariga tiegħu, huwa għandu jiġi ssostitwit għall-perijodu li jkun fadal.

3.   Fl-elezzjonijiet previsti minn dan l-Artikolu, il-vot għandu jkun sigriet. Jiġi elett l-Imħallef li jikseb il-voti ta’ aktar minn nofs l-Imħallfin li jikkomponu l-Qorti Ġenerali. Jekk l-ebda Mħallef ma jikseb din il-maġġoranza, isiru aktar votazzjonijiet sakemm tintlaħaq din il-maġġoranza.

Artikolu 8

Il-President tal-Qorti Ġenerali jmexxi l-attivitajiet u d-dipartimenti tal-Qorti Ġenerali; huwa jippresjedi s-Seduti Plenarji tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll id-deliberazzjonijiet fil-Kamra tal-Kunsill.

L-Awla Manja hija presjeduta mill-President tal-Qorti Ġenerali.

Jekk il-President tal-Qorti Ġenerali jkun parti minn Kulleġġ ġudikanti kompost minn tliet jew minn ħames Imħallfin, dan il-kulleġġ jiġi ppresjedut minnu.

Artikolu 9

Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment tal-President tal-Qorti Ġenerali jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti, il-funzjonijiet ta’ din il-kariga għandhom jiġu mwettqa minn wieħed mill-Presidenti ta’ Awla skond l-ordni stabbilit mill-Artikolu 6.

Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment, kemm tal-President tal-Qorti kif ukoll tal-Presidenti ta’ Awla, jew fil-każ li l-karigi tagħhom ikunu kollha vakanti, il-funzjonijiet tal-presidenza għandhom jiġu eżerċitati minn wieħed mill-Imħallfin skond l-ordni stabbilit mill-Artikolu 6.

Kapitolu II

FUQ IL-KOSTITUZZJONI TA’ L-AWLI U FUQ IN-NOMINA TA’ L-IMĦALLFIN RELATURI U TA’ L-AVUKATI ĠENERALI

Artikolu 10

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha tistabbilixxi Awli komposti minn tliet u minn ħames Imħallfin, u Awla Manja, komposta minn tlettax-il Imħallef, u għandha tassenja l-Imħallfin lilhom.

2.   Id-deċiżjoni meħuda skond dan l-Artikolu għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

1.   Il-kawżi li l-Qorti Ġenerali tiġi mitluba tieħu konjizzjoni tagħhom jiġu deċiżi mill-Awli komposti minn tliet jew ħames Imħallfin kif imsemmi fl-Artikolu 10.

Il-kawżi jistgħu jiġu deċiżi mis-Seduta Plenarja jew mill-Awla Manja tal-Qorti Ġenerali taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 14, 51, 106, 118, 124, 127, u 129.

Il-kawżi jistgħu jiġu deċiżi minn Imħallef uniku meta jiġu assenjati lilu taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-artikoli 14 u 51, jew jiġu assenjati lilu bis-saħħa ta’ l-Artikolu 124, ta’ l-Artikolu 127(1), jew ta’ l-Artikolu 129(2).

2.   Fil-każ ta’ kawżi assenjati jew mogħtija lil Awla, il-kelma “Qorti Ġenerali” użata f'dawn ir-Regoli tirreferi wkoll għal din l-Awla. Fil-każ ta’ kawżi assenjati jew mogħtija lil Imħallef uniku, il-kelma “Qorti Ġenerali” użata f'dawn ir-Regoli tirreferi wkoll għal dak l-Imħallef.

Artikolu 12

Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.

Il-Qorti Ġenerali għandha tistabbilixxi l-kriterji li jirregolaw it-tqassim tal-kawżi bejn l-Awli.

Artikolu 13

1.   Meta jiġi ppreżentat rikors, il-President tal-Qorti Ġenerali jassenja l-kawża lil Awla.

2.   Il-President ta’ Awla għandu jipproponi lill-President tal-Qorti Ġenerali, għal kull kawża assenjata lill-Awla, in-nomina ta’ Mħallef Relatur; il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jiddeċiedi.

Artikolu 14

1.   Meta l-kumplessità tal-liġi jew l-importanza tal-kawża jew iċ-ċirkustanzi partikolari jiġġustifikaw dan, kawża tista’ tintbagħat lis-Seduta Plenarja, lill-Awla Manja jew lill-Awla komposta min-numru differenti ta’ Mħallfin.

2.

(1).

Il-kawżi hawn isfel imsemmija, li jkunu ġew assenjati lil Awla bi tliet Imħallfin, jistgħu jiġu deċiżi mill-Imħallef Relatur bħala Mħallef uniku meta jkun il-każ minħabba n-nuqqas ta’ diffikultà fil-liġi jew tal-fatti mressqa, l-importanza limitata tal-kawża, u n-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari oħra, u li jkunu ġew assenjati taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 51:

a)

il-kawżi mressqa taħt l-Artikolu 270 TFUE;

b)

il-kawżi mressqa taħt ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 263 TFUE, it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 265 TFUE u l-Artikolu 268 TFUE, li jqajmu biss kwistjonijiet li jkunu diġà ġew ikkjarifikati minn ġurisprudenza stabbilita jew li joħorġu minn numru ta’ kawżi fuq l-istess suġġett u li minnhom kawża tkun ġiet deċiża u tikkostitwixxi ġudikat;

ċ)

il-kawżi mressqa taħt l-Artikolu 272 TFUE.

(2)

L-assenjazzjoni lill-Imħallef uniku ma tistax issir fil-każ:

a)

ta’ kawżi li jqajmu kwistjonijiet dwar il-legalità ta’ att ta’ rilevanza ġenerali;

b)

ta’ kawżi li għandhom x'jaqsmu ma’ l-implementazzjoni:

tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-kontroll tal-konċentrazzjonijiet;

tar-regoli dwar l-għajnuniet mogħtija mill-Istati;

tar-regoli dwar miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ;

tar-regoli dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli ħlief il-kawżi li joħorġu min-numru ta’ kawżi li għandhom l-istess suġġett u li minnhom kawża tkun ġiet deċiża u tikkostitwixxi ġudikat;

ċ)

ta’ kawżi msemmija fl-Artikolu 130(1).

(3)

L-Imħallef uniku għandu jibgħat lura l-kawża quddiem l-Awla jekk jikkonstata li ma jkunux baqgħu jeżistu l-kundizzjonijiet għall-assenjazzjoni.

3.   Id-deċiżjonijiet ta’ rinviju u ta’ assenjazzjoni previsti mis-subartikoli (1) u (2) jittieħdu taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 51.

Artikolu 15

1.   L-Imħallfin jeleġġu minn fosthom, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(3), il-Presidenti ta’ l-Awli komposti minn tliet u minn ħames Imħallfin.

2.   Il-Presidenti ta’ l-Awli komposti minn ħames Imħallfin jiġu eletti għal terminu ta’ tliet snin. Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded darba.

L-elezzjoni tal-President ta’ Awla komposta minn ħames Imħallfin issir minnufih wara dik tal-President tal-Qorti Ġenerali prevista fl-Artikolu 7(1).

3.   Il-Presidenti ta’ Awli komposti minn tliet Imħallfin għandhom jiġu eletti għal terminu determinat.

4.   Fil-każ li l-mandat ta’ President ta’ Awla jispiċċa qabel it-terminu normali tal-funzjonijiet tiegħu, huwa għandhu jiġi ssostitwit għaż-żmien li jkun għad fadal.

5.   Ir-riżultat ta’ dawn l-elezzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 16

Fil-kawżi assenjati jew iddelegati lill-Awli, is-setgħat tal-President għandhom jiġu eżerċitati mill-President ta’ l-Awla.

Fil-kawżi assenjati jew iddelegati lil Imħallef uniku, is-setgħat tal-President, ħlief dawk imsemmija fl-Artikoli 105 u 106, għandhom jiġu eżerċitati minn dak l-Imħallef.

Artikolu 17

Il-Qorti Ġenerali li tiltaqa’ f'Seduta Plenarja hija megħjuna minn Avukat Ġenerali li jiġi nnominat mill-President tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 18

Il-Qorti Ġenerali li tiltaqa’ bħala Awla tista’ tiġi megħjuna minn Avukat Ġenerali fejn jidhrilha li dan ikun meħtieġ minħabba d-diffikultà fid-dritt jew il-kumplessità tal-fatti.

Artikolu 19

Id-deċiżjoni li ssir in-nomina ta’ Avukat Ġenerali għal kawża determinata tiġi meħuda mill-Qorti Ġenerali f'Seduta Plenarja fuq talba ta’ l-Awla li lilha tiġi assenjata jew iddelegata l-kawża.

Il-President tal-Qorti Ġenerali jinnomina l-Imħallef imsejjaħ sabiex jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Avukat Ġenerali għal dik il-kawża.

Kapitolu III

FUQ IR-REĠISTRU

L-Ewwel Taqsima – Fuq ir-Reġistratur

Artikolu 20

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha taħtar ir-Reġistratur.

Ġimagħtejn qabel id-data stabbilita għall-ħatra, il-President għandu jinforma lill-membri tal-Qorti Ġenerali bl-applikazzjonijet li jkunu ġew ippreżentati.

2.   L-applikazzjonijiet għandhom ikollhom magħhom l-informazzjoni kollha dwar l-età, in-nazzjonalità, il-kwalifiki universitarji, il-konoxxenza tal-lingwi, il-karigi attwali u preċedenti, kif ukoll l-esperjenza ta’ l-applikanti fil-qasam ġudizzjarju u internazzjonali.

3.   Il-ħatra ssir skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(3).

4.   Ir-Reġistratur huwa maħtur għal terminu ta’ sitt snin. Huwa jista’ jerġa jinħatar.

5.   Qabel ma jibda jaqdi d-dmirijiet tal-kariga tiegħu, ir-Reġistratur għandu jieħu l-ġurament previst fl-Artikolu 4.

6.   Ir-Reġistratur m'għandux jitneħħa mill-kariga tiegħu jekk mhux minħabba li m'għadx għandu r-rekwiżiti meħtieġa jew jekk m'għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu; il-Qorti Ġenerali għandha tieħu deċiżjoni wara li tkun tat lir-Reġistratur l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

7.   Jekk ir-Reġistratur jieqaf jeżerċita l-kariga qabel ma jiskadi t-terminu tal-mandat tiegħu, il-Qorti Ġenerali għandha taħtar Reġistratur ġdid għal terminu ta’ sitt snin.

Artikolu 21

Il-Qorti Ġenerali tista’ taħtar, skond il-proċedura prevista għall-ħatra tar-Reġistratur, wieħed jew aktar Assistenti Reġistraturi, inkarigati li jassistu lir-Reġistratur u li jissostitwuh fil-limiti stabbiliti mill-istruzzjonijiet lir-Reġistratur previsti fl-Artikolu 23.

Artikolu 22

Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment tar-Reġistratur u ta’ l-Assistenti Reġistraturi jew fil-każ li l-kariga tagħhom tkun vakanti, il-President għandu jinnomina uffiċjali jew aġenti oħra sabiex iwettqu d-dmirijiet tar-Reġistratur.

Artikolu 23

L-istruzzjonijiet lir-Reġistratur għandhom jiġu stabbiliti mill-Qorti Ġenerali fuq proposta tal-President tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 24

1.   Għandu jinżamm fir-Reġistru, taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur, reġistru, li fih jiġu mniżżla, skond l-ordni tal-preżentata, l-atti kollha ta’ proċedura u d-dokumenti ppreżentati in sostenn tagħhom.

2.   Ir-Reġistratur għandu jagħmel notament fuq id-dokumenti oriġinali dwar ir-reġistrazzjoni u, fuq talba tal-partijiet, fuq il-kopji li huma jippreżentaw għal dak l-iskop.

3.   Ir-reġistrazzjoni u n-notamenti msemmija fil-paragrafu preċedenti għandhom il-valur ta’ atti awtentiċi.

4.   Ir-regoli dwar kif għandu jinżamm ir-reġistru għandhom jiġu stabbiliti mill-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur previsti mill-Artikolu 23.

5.   Kull min huwa interessat jista’ jikkonsulta r-reġistru u jikseb kopji jew estratti bi ħlas skond it-tariffi tar-reġistru stabbiliti mill-Qorti Ġenerali fuq proposta tar-Reġistratur.

Barra minn dan, kull parti fil-Kawża tista’ tikseb, bi ħlas skond it-tariffi tar-Reġistru, kopji ta’ l-atti ta’ proċedura kif ukoll kopji awtentikati tad-digrieti u tas-sentenzi.

6.   Għandu jiġi ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea li juri d-data tar-reġistrazzjoni tar-rikors, l-isem u l-indirizz tal-partijiet, is-suġġett tal-kawża u t-talbiet tar-rikors kif ukoll indikazzjoni tar-raġunijiet u ta’ l-argumenti prinċipali invokati.

7.   Meta l-Kunsill jew il-Kummissjoni Ewropea ma jkunux parti fil-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tibgħatilhom kopja tar-rikors u tar-risposta tad-difiża, mingħajr l-annessi, sabiex ikunu jistgħu jikkonstataw jekk tkunx qiegħda tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta’ xi att li kien ġie adottat minnhom skond l-Artikolu 277 TFUE. Bl-istess mod, għandhom jintbagħtu kopji ta’ dawk id-dokumenti lill-Parlament Ewropew sabiex ikun jista’ jikkonstata jekk tkunx qiegħda tiġi invokata, taħt l-Artikolu 277 TFUE, l-inapplikabbiltà ta’ xi att li jkun ġie adottat konġuntement minnu u mill-Kunsill.

Artikolu 25

1.   Ir-Reġistratur huwa inkarigat li, taħt l-awtorità tal-President, jirċievi, jibgħat, u jżomm fil-kustodja tiegħu d-dokumenti kollha kif ukoll li jwettaq in-notifiki previsti minn dawn ir-Regoli.

2.   Ir-Reġistratur għandu jgħin lill-Qorti Ġenerali, lill-President, lill-Presidenti ta’ l-Awli u lill-Imħallfin fl-atti kollha tal-kariga tagħhom.

Artikolu 26

Ir-Reġistratur għandu l-kustodja tas-siġilli. Huwa responsabbli għall-arkivji u jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 27

Salv għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 33, ir-Reġistratur għandu jattendi għas-seduti tal-Qorti Ġenerali.

It-Tieni Taqsima – Fuq id-Dipartimenti

Artikolu 28

L-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Qorti Ġenerali inkarigati li jassistu direttament il-President, l-Imħallfin u r-Reġistratur għandhom jiġu maħtura skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Huma jkunu taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur, taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 29

L-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Qorti Ġenerali msemmija fl-Artikolu 28 għandhom jieħdu l-ġurament, imsemmi fl-Artikolu 20(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, quddiem il-President tal-Qorti Ġenerali u fil-preżenza tar-Reġistratur.

Artikolu 30

L-amministrazzjoni tal-Qorti Ġenerali, it-tmexxija finanzjarja u tal-kontabbiltà huma assigurati mir-Reġistratur, bl-għajnuna tad-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti Ġenerali.

Kapitolu IV

FUQ IL-MOD KIF TAĦDEM IL-QORTI ĠENERALI

Artikolu 31

1.   Id-dati u l-ħinijiet tas-seduti tal-Qorti Ġenerali għandhom jiġu stabbiliti mill-President.

2.   Il-Qorti Ġenerali tista’, għal waħda jew aktar seduti speċifiċi, tagħżel post differenti minn dak fejn il-Qorti Ġenerali għandha s-sede tagħha.

Artikolu 32

1.   Jekk, minħabba assenza jew impediment, l-Imħallfin jinsabu f'numru biż-żewġ, l-Imħallef li huwa l-anqas anzjan skond l-Artikolu 6 għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni, ħlief jekk ikun l-Imħallef Relatur. F'dan il-każ, huwa l-Imħallef li jiġi minnufih qablu fl-ordni ta’ preċedenza li għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-deliberazzjoni.

Jekk, minħabba n-nomina ta’ Avukat Ġenerali bis-saħħa ta’ l-Artikolu 17, l-Imħallfin jinsabu f'numru biż-żewġ fis-Seduta Plenarja tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jinnomina, qabel is-seduta, dak l-Imħallef li ma jkunx ser jipparteċipa bħala Mħallef fil-kawża, skond lista prestabbilita mill-Qorti Ġenerali u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

2.   Jekk meta tiġi msejħa s-Seduta Plenarja, il-kworum previst ma jintlaħaqx, il-President għandu jaġġorna s-seduta sakemm tali kworum jintlaħaq.

3.   Jekk f'Awla bi tliet jew b'ħames Imħallfin, il-kworum previst ta’ tliet Imħallfin ma jintlaħaqx, il-President ta’ dik l-Awla għandu jinforma lill-President tal-Qorti Ġenerali, li għandu jinnomina Mħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

Il-kworum ta’ l-Awla Manja huwa ta’ disa’ Mħallfin. Jekk dan il-Kworum ma jintlaħaqx, il-President għandu jinnomina Mħallef ieħor sabiex jikkompletaha.

Jekk, fl-Awla Manja, jew f'waħda mill-Awli b'ħames Imħallfin, minħabba assenza jew impediment ta’ Mħallef li sseħħ qabel id-data tal-ftuħ tal-proċedura orali, ma jintlaħaqx in-numru ta’ Mħallfin previst mill-Artikolu 10(1), din l-Awla għandha tiġi kkompletata minn Imħallef maħtur mill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex jerġa’ jintlaħaq in-numru previst ta’ Mħallfin.

4.   Jekk f'waħda mill-Awli, komposta minn tliet jew ħames Imħallfin, in-numru ta’ Mħallfin assenjati lill-Awla huwa ikbar minn tlieta jew ħamsa rispettivament, il-President ta’ l-Awla jiddetermina liema Mħallfin jiġu msejħa jipparteċipaw bħala Mħallfin fil-kawża.

5.   Fil-każ ta’ assenza jew impediment ta’ Mħallef uniku li lilu tkun ġiet assenjata jew attribwita kawża, il-President tal-Qorti Ġenerali jinnomina Mħallef ieħor sabiex jissostitwih.

Artikolu 33

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddelibera in camera.

2.   Fid-deliberazzjoni għandhom jieħdu sehem biss l-Imħallfin li jkunu attendew għall-proċedura orali.

3.   Kull wieħed mill-Imħallfin preżenti għad-deliberazzjoni għandu jagħti l-opinjoni tiegħu u l-motivi għaliha.

4.   Fuq talba ta’ Mħallef, kull punt jista’ jiġi fformulat fil-lingwa li jagħżel hu, u jiġi kkomunikat bil-miktub lill-Qorti Ġenerali qabel ma jittieħed vot fuqu.

5.   Il-konklużjonijiet adottati wara d-diskussjoni finali mill-maġġoranza ta’ l-Imħallfin għandhom jiddeterminaw id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Il-voti għandhom jingħataw bl-ordni invers minn dak stabbilit mill-Artikolu 6.

6.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar l-iskop, il-kliem li għandu jintuża fil-mistoqsijiet, l-ordni tal-mistoqsijiet, jew l-interpretazzjoni tal-vot.

7.   Meta d-deliberazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jirrigwardaw punti amministrattivi, ir-Reġistratur għandu jkun preżenti, ħlief jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi xort’oħra.

8.   Meta l-Qorti Ġenerali tiltaqa’ mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur, hija għandha tinkariga lill-Imħallef li huwa l-inqas anzjan skond l-Artikolu 6 sabiex iħejji, jekk ikun hemm bżonn, proċess verbal li għandu jiġi ffirmat mill-President u minn dan l-Imħallef.

Artikolu 34

1.   Salv għal deċiżjoni speċjali tal-Qorti Ġenerali, il-ferjat huwa stabbilit kif ġej:

mit-18 ta’ Diċembru sa l-10 ta’ Jannar,

mill-Ħadd ta’ qabel l-Għid sat-tieni Ħadd ta’ wara l-Għid,

mill-15 ta’ Lulju sal-15 ta’ Settembru.

Matul il-ferjat, il-funzjonijiet tal-presidenza jiġu eżerċitati fil-post fejn il-Qorti Ġenerali għandha s-sede tagħha, jew mill-President innifsu, li jżomm kuntatt mar-Reġistratur, jew minn President ta’ Awla jew Imħallef ieħor li jiġi mitlub mill-President sabiex jissostitwih.

2.   Matul il-ferjat, il-President jista’, fil-każ ta’ urġenza, ilaqqa’ lill-Imħallfin.

3.   Il-Qorti Ġenerali għandha tosserva l-jiem ta’ vakanza legali tal-post fejn hija għandha s-sede tagħha.

4.   Il-Qorti Ġenerali tista’, għal raġunijiet validi, tagħti lill-Imħallfin permess sabiex jieħdu l-leave.

Kapitolu V

FUQ IS-SISTEMA LINGWISTIKA

Artikolu 35

1.   Il-lingwi tal-kawża huma l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, it-Taljan, l-Ungeriż, u l-Iżvediż.

2.   Il-lingwa tal-kawża tintgħażel mir-rikorrent, salv għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)

jekk il-konvenut ikun Stat Membru jew persuna fiżika jew ġuridika minn Stat Membru, il-lingwa tal-kawża għandha tkun il-lingwa uffiċjali ta’ dak l-Istat; fejn l-Istat ikollu aktar minn lingwa uffiċjali waħda, ir-rikorrent għandu l-fakultà li jagħżel din il-lingwa minn fosthom li jixtieq hu;

b)

fuq talba konġunta tal-partijiet, l-użu totali jew parzjali ta’ lingwa oħra minn fost il-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi awtorizzat;

ċ)

fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, u wara li jinstemgħu l-parti l-oħra u l-Avukat Ġenerali, b'deroga mid-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu b), jista’ jiġi awtorizzat l-użu totali jew parzjali ta’ lingwa oħra minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bħala l-lingwa tal-kawża; din it-talba ma tistax tiġi magħmula minn waħda mill-Istituzzjonijiet.

Id-deċiżjoni fuq it-talbiet imsemmija hawn fuq tista’ tittieħed mill-President; huwa jista’, u, fil-każ li huwa jkun intenzjonat jaċċetta tali talba mingħajr il-kunsens tal-partijiet kollha, huwa għandu, jirrinvija t-talba lill-Qorti Ġenerali.

3.   Il-lingwa tal-kawża għandha tiġi użata b'mod partikolari fis-sottomissjonijiet bil-miktub u orali tal-partijiet u fl-atti u d-dokumenti annessi, kif ukoll fil-proċessi verbali u fid-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali.

Kull att u kull dokument ippreżentat jew anness li huwa miktub f'lingwa differenti mil-lingwa tal-kawża għandu jkollu miegħu traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

Madankollu, fil-każ ta’ atti jew dokumenti voluminużi, jistgħu jiġu ppreżentati traduzzjonijiet ta’ estratti. Il-Qorti Ġenerali tista’, f'kull ħin, ex officio jew fuq talba ta’ xi parti, tordna li ssir traduzzjoni aktar kompluta jew sħiħa.

Minkejja d-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija, l-Istati Membri huma awtorizzati jużaw il-lingwa uffiċjali tagħhom meta huma jintervjenu f'kawża pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali. Din id-dispożizzjoni tiswa kemm għad-dokumenti miktuba kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet orali. It-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża għandha tiġi assigurata f'kull każ mir-Reġistratur.

L-Istati kontraenti tal-Ftehim ŻEE, għajr l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA jistgħu jiġu awtorizzati jużaw waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1, meta huma jintervjenu f'kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Din id-dispożizzjoni tiswa kemm għad-dokumenti miktuba kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet orali. It-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża għandha tiġi assigurata f'kull każ mir-Reġistratur.

4.   Fil-każ li x-xhieda jew il-periti jiddikjaraw li huma ma jistgħux jesprimu ruħhom b'mod adegwat f'waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Qorti Ġenerali għandha tawtorizzahom jifformulaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom f'lingwa oħra. Ir-Reġistratur għandu jassigura t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

5.   Il-President tal-Qorti Ġenerali fit-tmexxija tal-proċeduri orali, l-Imħallef Relatur fir-rapport preliminari u fir-rapport għas-seduta tal-kawża, l-Imħallfin u l-Avukati Ġenerali meta dawn jagħmlu xi mistoqsijiet, u l-avukati ġenerali meta jagħtu l-konklużjonijiet tagħhom, jistgħu jużaw waħda mil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, barra mil-lingwa tal-kawża. Ir-Reġistratur għandu jassigura t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

Artikolu 36

1.   Fuq talba ta’ wieħed mill-Imħallfin, ta’ l-Avukat Ġenerali jew ta’ waħda mill-partijiet, ir-Registratur għandu jassigura li ssir it-traduzzjoni ta’ kull ma ntqal jew inkiteb matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-lingwi magħżula minnhom u msemmija fl-Artikolu 35(1).

2.   Il-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali għandhom isiru fil-lingwi msemmija fl-ewwel Artikolu tar-Regolament Nru 1 tal-Kunsill.

Artikolu 37

It-testi miktuba fil-lingwa tal-kawża jew, jekk ikun il-każ, f'lingwa oħra awtorizzata skond l-Artikolu 35 ta’ dawn ir-Regoli, għandhom jitqiesu bħala awtentiċi.

Kapitolu VI

FUQ ID-DRITTIJIET U L-OBBLIGI TA’ L-AĠENTI, TAL-KONSULENTI U TA’ L-AVUKATI

Artikolu 38

1.   L-aġenti, il-konsulenti u l-avukati li jidhru quddiem il-Qorti Ġenerali jew quddiem awtorità ġudizzjarja mqabbda mill-Qorti Ġenerali permezz ta’ ittra rogatorja, igawdu minn immunità għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom dwar il-kawżi jew il-partijiet.

2.   Barra minn dan, l-aġenti, il-konsulenti u l-avukati jgawdu l-privileġġi u l-faċilitajiet li ġejjin:

a)

l-atti kollha u d-dokumenti li jirrigwardaw il-proċeduri huma eżenti mit-tfittxija u s-sekwestru. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-uffiċjali tad-dwana jew tal-pulizija jistgħu jissiġillaw l-atti u d-dokumenti kkonċernati, li mbagħad jintbagħtu mingħajr dewmien lill-Qorti Ġenerali sabiex jiġu spezzjonati fil-preżenza tar-Reġistratur u tal-parti interessata;

b)

l-aġenti, il-konsulenti u l-avukati għandhom id-dritt li jkollhom dawk il-flus barranin neċessarji sabiex iwettqu l-inkarigu tagħhom;

ċ)

l-aġenti, il-konsulenti u l-avukati għandhom id-dritt jivvjaġġaw mingħajr xkiel fejn dan huwa neċessarju għat-twettiq ta’ l-inkarigu tagħhom.

Artikolu 39

Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu preċedenti, il-persuni interessati għandhom jagħtu prova tal-funzjoni tagħhom:

a)

fil-każ ta’ l-aġenti, permezz ta’ dokument uffiċjali maħruġ mill-mandant tagħhom, li minnufih għandu jibgħat kopja lir-Reġistratur;

b)

fil-każ tal-konsulenti u ta’ l-avukati, permezz ta’ dikjarazzjoni ffirmata mir-Reġistratur. Il-validità ta’ din l-dikjarazzjoni għandha tkun limitata għal terminu stabbilit; madankollu, hija tista’ tiġi pprorogata jew mqassra skond it-tul tal-proċedura.

Artikolu 40

Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 38 ta’ dawn ir-Regoli huma mogħtija esklużivament fl-interess tal-kawża.

Il-Qorti Ġenerali tista’ tneħħi l-immunità meta jidhrilha li t-tneħħija tagħha ma tippreġudikax l-interessi tal-kawża.

Artikolu 41

1.   Jekk il-Qorti Ġenerali tqis li l-imġiba konsulent jew avukat quddiemha, quddiem il-President, Imħallef jew ir-Reġistratur, hija inkompatibbli mad-dekor tagħha jew ma’ l-eżiġenzi ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jew li dan il-konsulent jew avukat juża xi drittijiet li huwa għandu b'riżultat tal-funzjoni tiegħu għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħatawlu, hija għandha tinforma lil parti interessata b'dan. Il-Qorti Ġenerali tista’ tinforma lill-awtoritajiet kompetenti li għalihom hija suġġetta l-parti interessata b'dan; kopja ta’ l-ittra indirizzata lil dawn l-awtoritajiet għandha tintbagħat lil din ta’ l-aħħar.

Il-Qorti Ġenerali tista’, għall-istess raġunijiet, f'kull ħin u wara li tisma’ lill-parti interessata, teskludi lill-parti interessata mill-proċedura permezz ta’ digriet. Dan id-digriet ikollu effett immedjat.

2.   Jekk xi aġent, konsulent jew xi avukat jiġi eskluż mill-patroċinju tal-kawża, il-proċedura tiġi sospiża sa ma jiskadi t-terminu ffissat mill-President sabiex il-parti interessata tkun tista’ tqabbad aġent, konsulent jew avukat ieħor.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu rrevokati.

Artikolu 42

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu huma applikabbli wkoll għal għalliema ta’ l-Università li għandhom id-dritt jidhru quddiem il-Qorti Ġenerali skond l-Artikolu 19 ta’ l-Istatut.

IT-TIENI TITOLU

FUQ IL-PROĊEDURA

Kapitolu I

FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB

Artikolu 43

1.   L-oriġinali ta’ l-atti tal-proċedura kollha għandhom jiġu ffirmati mill-aġent jew mill-avukat tal-parti.

L-att, flimkien ma’ l-annessi kollha li jkunu msemmija fih, għandu jiġi ppreżentat flimkien ma’ ħames kopji għall-Qorti Ġenerali u kopja għal kull parti oħra fil-kawża. Dawn il-kopji għandhom ikunu awtentikati mill-parti li tippreżentahom.

2.   Barra minn dan, l-istituzzjonijiet għandhom jissottomettu, fit-termini stabbiliti mill-Qorti Ġenerali, it-traduzzjonijiet ta’ l-atti tal-proċedura kollha għal-lingwi l-oħra msemmija fl-ewwel Artikolu tar-Regolament tal-Kunsill nru 1. L-aħħar subparagrafu ta’ l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu huwa applikabbli.

3.   Kull att tal-proċedura għandu jkun datat. Għall-finijiet tat-termini tal-proċedura hija biss id-data tal-preżentata fir-Reġistru li għandha tiġi kkunsidrata.

4.   Ma’ kull att tal-proċedura għandu jiġi anness faxxiklu, li jiġbor fih l-atti u d-dokumenti ċċitati sabiex isostnu l-att flimkien ma’ nota li telenka l-istess atti u dokumenti.

5.   Jekk, minħabba t-tul ta’ att jew ta’ dokument, jiġu annessi biss estratti ma’ l-att tal-proċedura, l-att jew id-dokument kollu jew kopja sħiħa tiegħu għandha tiġi ddepożitata fir-Reġistru.

6.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 5, id-data li fiha kopja ta’ l-oriġinal iffirmat ta’ att tal-proċedura – inkluża n-nota li telenka l-atti u d-dokumenti prevista mill-paragrafu 4 – tasal fir-Reġistru permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni użat mill-Qorti Ġenerali, għandha tiġi meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-osservanza tat-termini tal-proċedura, sakemm l-oriġinal ta’ l-att iffirmat, flimkien ma’ l-annessi u l-kopji previsti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, jiġi ddepożitat fir-Reġistru sa mhux aktar tard minn għaxart’ijiem wara. L-Artikolu 102(2) ma huwiex applikabbli għal dan it-terminu ta’ għaxart ijiem.

7.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u tal-paragrafi 2 u 5, il-Qorti Ġenerali tista’, b'deċiżjoni, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom att ta’ proċedura trażmess lir-Reġistru b'mezz elettroniku jitqies li huwa l-oriġinal ta’ dak l-att. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 44

1.   Ir-rikors previst mill-Artikolu 21 ta’ l-Istatut għandu jinkludi:

a)

l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

b)

id-dettalji tal-parti li kontriha huwa indirizzat ir-rikors;

ċ)

is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa;

d)

it-talbiet tar-rikorrent;

e)

jekk ikun il-każ, in-natura tal-provi li jkun ser iressaq.

2.   Għall-finijiet tal-proċedura, ir-rikors għandu jinkludi indirizz għan-notifka fil-post fejn il-Qorti Ġenerali għandha s-sede tagħha. Ir-rikors għandu jindika l-isem tal-persuna li ġiet awtorizzata, u li aċċettat li tirċievi, in-notifiki kollha.

Minbarra, jew minflok, l-indikazzjoni ta’ l-indirizz għan-notifika prevista fl-ewwel subparagrafu, ir-rikors jista’ jispeċifika li l-avukat jew l-aġent jaċċetta li n-notifiki jsirulu permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni.

Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu, in-notifiki kollha, għal finijiet tal-proċedura, għandhom isiru lill-parti kkonċernata permezz ta’ posta reġistrata indirizzata lill-aġent jew lill-avukat tal-parti sakemm dan in-nuqqas ma jkunx ġie rregolarizzat. F'dak il-każ, b'deroga għall-Artikolu 100(1), in-notifika għandha tiġi meqjusa li saret debitament bid-depożitu ta’ l-ittra reġistrata fl-uffiċċju postali tal-post fejn il-Qorti Ġenerali għandha s-sede tagħha.

3.   L-avukat li jassisti jew jirrappreżenta xi parti għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim ŻEE.

4.   Mar-rikors għandhom jiġu annessi, jekk ikun il-każ, id-dokumenti indikati fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut.

5.   Jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, huwa għandu jehmeż mar-rikors tiegħu:

a)

l-istatut tiegħu jew estratt reċenti mir-Reġistru tal-kumpanniji, jew estratt reċenti mir-reġistru ta’ l-assoċjazzjonijiet jew kull prova oħra li turi l-eżistenza ġuridika tiegħu;

b)

prova li l-mandat ġie mogħti regolarment lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop.

5a. Ir-rikors ippreżentat skond klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f'kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku jew privat, konkluż mill-Unjoni jew f'isimha skond l-Artikolu 272 TFUE għandu jkollu miegħu kopja tal-kuntratt li għandu din il-klawżola.

6.   Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 3 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, ir-Reġistratur għandu jistabbililxxi terminu raġjonevoli sabiex r-rikorrent jirregolarizza r-rikors tiegħu jew sabiex jissottometti d-dokumenti msemmija hawn fuq. Fin-nuqqas ta’ din ir-regolarizzazzjoni jew fin-nuqqas li jiġu sottomessi d-dokumenti fit-terminu mogħti, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.

Artikolu 45

Ir-rikors għandu jiġi nnotifikat lill-konvenut. Fil-każ previst fl-Artikolu 44(6), in-notifika ssir malli r-rikors jiġi rregolarizzat jew malli l-Qorti Ġenerali tkun aċċettat l-ammissibbiltà fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ forma elenkati f'dak l-Artikolu.

Artikolu 46

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika tar-rikors, il-konvenut għandu jippreżenta r-risposta tiegħu. Din ir-risposta għandha tinkludi:

a)

l-isem u l-indirizz tal-konvenut;

b)

l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt mressqa;

ċ)

it-talbiet tal-konvenut;

d)

in-natura tal-provi li jkun ser iressaq.

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44(2) sa (5), huma applikabbli.

2.   Fil-kwistjonijiet bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, is-sottomissjonijiet ta’ difiża għandhom ikollhom magħhom il-kontestazzjoni skond l-Artikolu 90(2), tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll id-deċiżjoni ta’ ċaħda bl-indikazzjoni tad-dati tal-preżentata u tan-notifika.

3.   It-terminu previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, jiġi pprorogat mill-President fuq talba motivata tal-konvenut.

Artikolu 47

1.   Ir-rikors u r-risposta jistgħu jiġu kkompletati bir-replika tar-rikorrent u bil-kontroreplika tal-konvenut sakemm il-Qorti Ġenerali, wara li tisma’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li m'hemmx bżonn ta’ skambju ta’ sottomissjonijiet oħra għaliex il-kontenut ta’ l-inkartamanet huwa komplut biżżejjed sabiex jippermetti lill-partijiet jiżviluppaw ir-raġunijiet u l-argumenti tagħhom matul il-proċedura orali. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tista’ terġa tawtorizza l-partijiet jikkompletaw l-inkartament jekk ir-rikorrent jippreżenta talba motivata f'dan is-sens f'terminu ta’ ġimagħtejn li jibda jiddekorri min-notifika ta’ din id-deċiżjoni.

2.   Il-President għandu jistabbilixxi d-dati li fihom dawn l-atti tal-proċedura għandhom jiġu ppreżentati.

Artikolu 48

1.   Fir-replika jew fil-kontroreplika, il-partijiet jistgħu jippreżentaw provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom. Huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard.

2.   Ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura.

Jekk, waqt il-proċedura, xi parti tressaq talba ġdida, kif previst fis-subparagrafu preċedenti, il-President jista’, wara li jkunu skadew it-termini normali tal-proċedura, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, jagħti lill-parti l-oħra terminu sabiex twieġeb għal din it-talba.

Id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba għandha tibqa’ rriżervata għas-sentenza finali.

Artikolu 49

Il-Qorti Ġenerali tista’ f'kull fażi tal-proċedura, wara li tisma’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi dwar kull miżura fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-Proċedura jew ta’ l-Istruttorja previsti fl-Artikoli 64 u 65 jew tordna s-sostituzzjoni jew l-estensjoni ta’ kull att istruttorju.

Artikolu 50

1.   Il-President jista’, f'kull waqt, wara li jkun sema’ lill-partijiet u l-Avukat Ġenerali, għal raġunijiet ta’ konnessjoni tal-kawżi, jordna li tali kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub jew orali jew għall-finijiet tas-sentenza finali. Il-President jista’ jifridhom mill-ġdid. Il-President jista’ jirreferi dawn il-kwistjonijiet lill-Qorti Ġenerali.

2.   L-avukati, il-konsulenti u l-aġenti tal-partijiet kollha fil-kawżi magħquda, inklużi l-partijiet intervenjenti, jistgħu jikkonsultaw l-atti ta’ proċedura nnotifikati lill-partijiet fil-kawżi l-oħra kkonċernati fir-Reġistru. Madankollu, il-President jista’, fuq talba ta’ parti, bla ħsara għall-Artikolu 67(3), jeskludi dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali minn din il-konsultazzjoni.

Artikolu 51

1.   Fil-każijiet stabbiliti mill-Artikolu 14(1), l-Awla li lilha tiġi assenjata kawża jew il-President tal-Qorti Ġenerali jistgħu, f'kull waqt, fuq talba ta’ parti jew ex officio, jipproponu lill-Qorti Plenarja r-rinviju tal-kawża lilha, lill-Awla Manja, jew lil Awla komposta min-numru differenti ta’ Mħallfin. Id-deċiżjoni ta’ rinviju ta’ kawża quddiem kulleġġ kompost minn numru ikbar ta’ Mħallfin għandha tittieħed mill-Qorti Ġenerali f'seduta Plenarja, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali.

Kawża għandha tinstema’ minn Awla li tkun komposta almenu minn ħames Imħallfin meta Stat Membru jew istituzzjoni ta’ l-Unjoni jressqu talba f'dan is-sens.

2.   Deċiżjoni sabiex kawża tiġi assenjata lill-Imħallef uniku fil-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 14(2) għandha tittieħed unanimament, wara li jinstemgħu l-partijiet, mill-Awla bi tliet Imħallfin li quddiemha tkun qed tinstema’ l-kawża.

Meta Stat Membru jew istituzzjoni ta’ l-Unjoni li huwa parti fil-kawża jagħmel oppożizzjoni għall-assenjazzjoni ta’ kawża lil Imħallef uniku, din għandha tinżamm jew tiġi rrinvijata quddiem dik l-Awla li tagħha l-Imħallef Relatur huwa parti.

Artikolu 52

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 49, il-President għandu jistabbilixxi d-data li fiha l-Imħallef Relatur għandu jippreżenta r-rapport preliminari tiegħu fil-laqgħa ġenerali tal-Qorti Ġenerali, skond il-każ,

a)

wara l-preżentata tal-kontroreplika;

b)

meta jiskadi t-terminu stabbilit skond l-Artikolu 47(2), fil-każ li r-replika jew il-kontroreplika ma tkunx ġiet ippreżentata,

ċ)

meta l-parti li għandha interess tkun irrinunzjat għad-dritt tagħha li tippreżenta replika jew kontroreplika;

d)

meta l-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet li, skond l-Artikolu 47(1), m'hemmx lok li jiġu kkompletati r-rikors u r-risposta tad-difiża b'replika u b'kontroreplika;

e)

meta l-Qorti Ġenerali tkun iddeċidiet li, skond l-Artikolu 76a(1), hemm lok li tiddeċiedi skond proċedura mħaffa.

2.   Ir-rapport preliminari għandu jirrigwarda proposti dwar jekk il-kawża teħtieġx miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji, kif ukoll dwar ir-rinviju eventwali tal-kawża lis-seduta plenarja, lill-Awla Manja jew lil Awla oħra tal-Qorti Ġenerali komposta min-numru differenti ta’ Mħallfin.

Wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar il-provvedimenti li għandhom jittieħdu fuq il-proposti ta’ l-Imħallef Relatur.

Artikolu 53

Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-proċedura orali tinfetaħ mingħajr miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji, il-President għandu jistabbilixxi d-data ta’ meta għandha tinfetaħ.

Artikolu 54

Bla ħsara għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji li jistgħu jiġu ordnati fil-proċedura orali, meta, matul il-proċedura bil-miktub, ikunu ttieħdu xi miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji u dawn ikunu twettqu, il-President jistabbilixxi d-data li fiha għandha tinfetaħ il-proċedura orali.

Kapitolu II

FUQ IL-PROĊEDURA ORALI

Artikolu 55

1.   Il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-kawżi li għandha quddiemha skond l-ordni li fih titlesta l-istruttorja tagħhom. Fil-każ li l-istruttorja ta’ numru ta’ kawżi titlesta kontemporanjament, l-ordni għandu jiġi stabbilit skond id-data tar-reġistrazzjoni ta’ l-att introduttiv tal-kawżi fir-Reġistru.

2.   Il-President jista’, minħabba ċirkustanzi partikolari, jiddeċiedi li tingħata prijorità lil kawża fuq l-oħrajn.

Wara li jinstemgħu l-partijiet u l-Avukat Ġenerali, il-President jista’, ex officio jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, jiddeċiedi li, minħabba ċirkustanzi partikolari, il-kawża tiġi ddifferita.

Jekk, bi ftehim bejniethom, il-partijiet fil-kawża jitolbu li din tiġi ddifferita, il-President jista’ jilqa’ t-talba tagħhom.

Artikolu 56

Il-President għandu jiftaħ u jmexxi t-trattazzjoni tal-kawża u huwa responsabbli għall-bon ordni waqt is-seduta.

Artikolu 57

Id-deċiżjoni li kawża tinstema’ in camera ġġib magħha l-projbizzjoni li tiġi ppubblikata t-trattazzjoni.

Artikolu 58

Il-President jista’, matul it-trattazzjoni, jagħmel xi mistoqsijiet lill-aġenti, lill-konsulenti jew lill-avukati tal-partijiet.

L-Imħallfin l-oħra u l-Avukat Ġenerali jistgħu jagħmlu l-istess.

Artikolu 59

Il-partijiet jistgħu jindirizzaw lill-Qorti Ġenerali permezz ta’ l-aġent, il-konsulent jew l-avukat tagħhom biss.

Artikolu 60

Meta Avukat Ġenerali ma jkunx ġie assenjat għal kawża, il-President jiddikjara l-għeluq tal-proċedura orali fl-aħħar tat-trattazzjoni.

Artikolu 61

1.   Meta l-Avukat Ġenerali jippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu bil-miktub, huwa għandu jiddepożitahom għand ir-Reġistratur li jinnotifikahom lill-partijiet.

2.   Wara l-qari jew id-depożitu tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, il-President jiddikjara l-proċedura orali magħluqa.

Artikolu 62

Wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Artikolu 63

1.   Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal għal kull seduta. Dan il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur. Huwa jikkostitwixxi att awtentiku.

2.   Il-partijiet jistgħu jikkonsultaw il-proċessi verbali kollha fir-Reġistru, u jistgħu jiksbu kopja taħt ħlas.

Kapitolu III

FUQ IL-MIŻURI TA’ ORGANIZZAZZJONI TAL-PROĊEDURA U FUQ IL-MIŻURI ISTRUTTORJI

L-Ewwel Taqsima -Fuq il-miżuri ta’ Organizzazzjoni tal-proċedura

Artikolu 64

1.   Il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura huma intiżi biex jiżguraw, fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, it-twaqqif tal-kawżi, l-iżvolġiment tal-proċeduri u r-regolazzjoni tal-kontroversji. Huma jiġu deċiżi mill-Qorti Ġenerali, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali.

2.   Il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għandhom, b'mod partikolari, l-iskop li:

a)

jassiguraw l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura bil-miktub jew orali u li jiffaċilitaw l-amministrazzjoni tal-provi;

b)

jiddeterminaw il-punti li fuqhom il-partijiet għandhom jikkompletaw l-argumenti tagħhom fejn ikollhom bżonn ta’ istruttorja;

ċ)

jippreċiżaw l-iskop tat-talbiet kif ukoll tar-raġunijiet u l-argumenti tal-partijiet u li jikkjarifikaw il-punti ta’ kontroversja bejniethom;

d)

jiffaċilitaw ir-regolazzjoni bonarja tal-kontroversji.

3.   Il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jistgħu, b'mod partikolari, jieħdu l-forma ta’:

a)

mistoqsijiet li jsiru lill-partijiet;

b)

stedina lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom bil-miktub jew oralment fuq xi aspetti tal-kontroversja;

ċ)

informazzjonijiet jew kjarifiki li jintalbu lill-partijiet jew lill-terzi;

d)

talba għal dokumenti jew kull inkartament ieħor, li għandu x'jaqsam mal-kawża;

e)

konvokazzjoni ta’ aġenti tal-parti jew il-partijiet stess għal laqgħat;

4.   Kull parti tista’, f'kull fażi tal-proċedura, tipproponi l-adozzjoni jew l-emenda tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. F'dan il-każ, għandhom jinstemgħu l-partijiet l-oħra qabel ma jiġu ordnati dawn il-miżuri.

Meta ċ-ċirkustanzi tal-proċedura hekk jitolbu, il-Qorti Ġenerali tinforma l-partijiet bil-miżuri proposti u tagħtihom l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub jew oralment.

5.   Jekk il-Qorti Ġenerali f'Seduta Plenarja, jew bħala Awla Manja, tiddeċiedi li tordna miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ma tipproċedix hija stess, hija tinkariga lill-Awla li lilha tkun ġiet inizjalment assenjata l-kawża jew lill-Imħallef Relatur.

Jekk Awla tiddeċiedi li tordna miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u ma tipproċedix hija stess, hija tinkariga lill-Imħallef Relatur.

L-Avukat Ġenerali jieħu sehem fil-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

It-Tieni Taqsima – Fuq il-Miżuri Istruttorji

Artikolu 65

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 24 u 25 ta’ l-Istatut, il-miżuri istruttorji jinkludu:

a)

id-dehra personali tal-partijiet;

b)

it-talba għal informazzjoni u għal preżentata ta’ dokumenti;

ċ)

il-provi permezz tax-xhieda;

d)

il-perizja;

e)

l-aċċessi.

Artikolu 66

1.   Il-Qorti Ġenerali, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, għandha tistabbilixxi dawk il-miżuri li hija tqis xierqa permezz ta’ digriet li jindika l-fatti li għandhom jiġu ppruvati. Il-partijiet għandhom jinstemgħu qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar il-miżuri istruttorji previsti fil-paragrafi (ċ), (d), u (e) ta’ l-Artikolu 65.

Dan id-digriet għandu jigi nnotifikat lill-partijiet.

2.   Il-prova kuntrarja u l-elaborazzjoni tal-provi mressqa jibqgħu rriżervati.

Artikolu 67

1.   Jekk il-Qorti Ġenerali, f'Seduta Plenarja jew bħala Awla Manja, tiddeċiedi li tordna miżuri istruttorji u ma tipproċedix hija stess, hija tinkariga lill-Awla li lilha tkun ġiet inizjalment assenjata l-kawża jew lill-Imħallef Relatur.

Jekk Awla tiddeċiedi li tordna miżuri istruttorji u ma tipproċedix hija stess, hija tinkariga lill-Imħallef Relatur.

L-Avukat Ġenerali jieħu sehem fil-miżuri istruttorji.

2.   Il-partijiet jistgħu jkunu preżenti waqt il-miżuri istruttorji.

3.   Salv għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (2) u (6) ta’ l-Artikolu 116, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu biss in kunsiderazzjoni dawk id-dokumenti u inkartamenti li l-avukati u l-aġenti tal-partijiet ikunu setgħu jikkonsultaw u li fuqhom ikunu setgħu jesprimu ruħhom.

Meta l-Qorti Ġenerali tiġi mitluba tivverifika n-natura kunfidenzjali, fir-rigward ta’ diversi partijiet, ta’ dokument li jkun jista’ jkun rilevanti sabiex tinqata’ kontroversja, dan id-dokument ma jingħatax lill-partijiet sakemm issir din il-verifika.

Meta dokument, li l-aċċessibbiltà tiegħu tkun ġiet miċħuda minn istituzzjoni, jitressaq quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ rikors li jirrigwarda l-validità ta’ din iċ-ċaħda, dan id-dokument ma jingħatax lill-partijiet l-oħra.

It-Tielet Taqsima – Fuq it-Taħrika u l-Eżami tax-Xhieda u tal-Periti

Artikolu 68

1.   Wara li tisma’ l-Avukat Ġenerali, il-Qorti Ġenerali, ex officio jew fuq talba tal-partijiet, tordna li ssir verifika ta’ ċerti fatti permezz ta’ xhieda. Dan id-digriet tal-Qorti Ġenerali għandu jindika l-fatti li għandhom jiġu stabbiliti.

Ix-xhieda għandhom jiġu mħarrka mill-Qorti Ġenerali, ex officio jew fuq talba tal-partijiet jew fuq talba ta’ l-Avukat Ġenerali. It-talba ta’ parti sabiex jiġi eżaminat xhud għandha tindika b'mod preċiż il-fatti li dwarhom ix-xhud jeħtieġ li jinstema’ u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżami tiegħu.

2.   Ix-xhieda li l-eżami tagħhom huwa meqjus neċessarju, għandhom jiġu mħarrka b'digriet li għandu jinkludi:

a)

il-kunjom, l-isem, l-okkupazzjoni u l-indirizz tax-xhieda;

b)

l-indikazzjoni tal-fatti li dwarhom ix-xhieda ser jinstemgħu;

ċ)

fejn ikun il-każ, riferiment għall-provvedimenti meħuda mill-Qorti Ġenerali għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż li jkunu saru mix-xhieda u għall-pieni applikabbli għax-xhieda li jonqsu li jidhru.

Dan id-digriet għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet u lix-xhieda.

3.   Il-Qorti Ġenerali tista’ tissuġġetta t-taħrik tax-xhieda li l-partijiet jitolbu li jiġu eżaminati, għall-ħlas ta’ somma bħala garanzija għall-ispejjeż intaxxati, li għandha tiġi ddepożitata għand il-kaxxier tal-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġenerali għandha tistabbilixxi dan l-ammont.

Il-kaxxier tal-Qorti Ġenerali għandu jipprovdi bil-quddiem il-fondi neċessarji għall-eżami tax-xhieda mħarrka ex officio.

4.   Wara li ssir il-verifika ta’ l-identità tax-xhieda, il-President għandu jinfurmahom illi huma jkollhom jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom bil-mod speċifikat fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 71.

Ix-xhieda għandhom jinstemgħu mill-Qorti Ġenerali, u l-partijiet ikunu msejħa sabiex jattendu. Wara d-depożizzjoni, il-President jista’, fuq talba tal-partijiet jew ex officio, jagħmel mistoqsijiet lix-xhieda.

L-Imħallfin kollha u l-Avukat Ġenerali jistgħu wkoll jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

Il-President jista’ jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

5.   Salv għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 71, wara li jixhed, ix-xhud għandu jieħu l-ġurament li ġej:

“Jiena naħlef li għidt il-verità, il-verità kollha u xejn għajr il-verità.”

Il-Qorti Ġenerali tista’, wara li tisma’ lill-partijiet, teżenta lix-xhud milli jieħu l-ġurament.

6.   Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal li jirriproduċi d-depożizzjoni tax-xhieda.

Il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President jew mill-Imħallef Relatur inkarigat mill-eżami kif ukoll mir-Reġistratur. Qabel ma l-proċess verbal jiġi ffirmat, ix-xhud għandu jingħata l-opportunità li jivverifika l-kontenut tal-proċess verbal u li jiffirmah.

Il-proċess verbal huwa att awtentiku.

Artikolu 69

1.   Ix-xhieda, debitament imħarrka, għandhom joqogħodu għat-taħrika u jidhru għas-seduta.

2.   Meta xhud, debitament imħarrek, ma jidhirx quddiem il-Qorti Ġenerali, din tista’ tikkundannah għal ammenda ta’ mhux aktar minn 5 000 Eur u tordna taħrika ġdida tax-xhud bi spejjeż għalih.

L-istess ammenda tista’ tingħata lil xhud li, mingħajr raġuni leġittima, jirrifjuta li jixhed jew li jieħu l-ġurament jew li jagħmel id-dikjarazzjoni solenni li tista’ tissostitwixxi tali ġurament.

3.   Ix-xhud li jagħti raġunijiet leġittimi lill-Qorti Ġenerali jista’ jiġi eżentat milli jħallas l-ammenda li jkun ġie kkundannat għaliha. L-ammenda tista’ titnaqqas fuq talba tax-xhud meta dan juri illi din hija sproporzjonata għad-dħul tiegħu.

4.   L-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet jew tal-miżuri meħuda skond dan l-Artikolu għandha tiġi infurzata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 280 u 299 TFUE u 164 TKEEA.

Artikolu 70

1.   Il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li ssir perizja. Id-digriet li jaħtar il-perit għandu jispeċifika l-inkarigu tiegħu u għandu jistabbilixxi terminu għall-preżentata tar-rapport tiegħu.

2.   Il-perit għandu jirċievi kopja tad-digriet tal-Qorti Ġenerali, flimkien mad-dokumenti kollha neċessarji sabiex iwettaq l-inkarigu tiegħu. Huwa għandu jkun taħt il-kontroll ta’ l-Imħallef Relatur, li jista’ jkun preżenti waqt l-investigazzjoni tal-perit u li għandu jinżamm infurmat dwar l-iżvolġiment ta’ l-inkarigu ta’ l-istess perit.

Il-Qorti Ġenerali tista’ titlob depożitu, minn waħda jew iktar mill-partijiet, bħala garanzija għall-ispejjeż tal-perizja.

3.   Fuq talba tal-perit, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tkompli bl-eżami tax-xhieda skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 68 ta’ dawn ir-Regoli.

4.   Il-perit jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu biss fuq dawk il-punti li jiġu espressament sottomessi lilu.

5.   Wara l-preżentata tar-rapport tal-perit, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li jinstema’ l-perit, wara li jissejħu l-partijiet.

Il-President jista’ jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lil-perit.

6.   Wara l-preżentata tar-rapport, il-perit għandu jieħu l-ġurament li ġej:

“Jiena naħlef li qdejt l-inkarigu tiegħi b'kuxjenza u b'imparzjalità sħiħa.”

Il-Qorti Ġenerali tista’, wara li tisma’ lill-partijiet, teżenta lil-perit milli jieħu l-ġurament.

Artikolu 71

1.   Il-President għandu javża lill-persuni msejħa sabiex jieħdu ġurament quddiem il-Qorti Ġenerali bħala xhieda jew bħala periti sabiex jgħidu l-verità jew sabiex jaqdu l-inkarigu tagħhom b'kuxjenza u b'imparzjalità sħiħa, u għandu jiġbdilhom l-attenzjoni għall-konsegwenzi kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-każ ta’ ksur ta’ dan id-dmir.

2.   Ix-xhieda għandhom jieħdu l-ġurament skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 68(5), l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu (70(6), jew skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

3.   Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tax-xhieda tipprovdi l-possibbiltà li, fil-qasam tal-proċedura ġudizzjarja, minbarra l-ġurament, minfloku jew flimkien miegħu, issir dikjarazzjoni li tissostitwih, ix-xhieda jistgħu jagħmlu din id-dikjarazzjoni taħt il-kundizzjonijiet u l-forom stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdi, la għall-possibbiltà li jittieħed ġurament u lanqas għall-possibbiltà li ssir din id-dikjarazzjoni, għandha tiġi segwita l-proċedura prevista fil-paragrafu 1.

Artikolu 72

1.   Il-Qorti Ġenerali tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tiddenunzja lill-Awtorità kompetenti, imsemmija fl-Anness III tar-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ l-Istat Membru li l-Qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni penali fil-każ ta’ sperġur li għalihom huma kompetenti l-Qrati sabiex jiġi ppersegwit kull ġurament falz jew dikjarazzjoni falza minn xhud jew perit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 71.

2.   Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi mibgħuta permezz tar-Reġistratur. Hija għandha tesponi l-fatti u ċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata d-denunzja.

Artikolu 73

1.   Il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fil-każ li waħda mill-partijiet tirrikuża xhud jew perit minħabba inkapaċità, inadegwatezza jew minħabba kull raġuni oħra jew fil-każ li xhud jew perit jirrifjuta li jixhed, li jieħu ġurament jew li jagħmel dikjarazzjoni solenni flok il-ġurament.

2.   Ir-rikuża ta’ xhud jew ta’ perit għandha ssir fi żmien ġimagħtejn mid-data tan-notifika tad-digriet li jħarrek lix-xhud jew li jaħtar il-perit, permezz ta’ att li jinkludi r-raġunijiet għar-rikuża u n-natura tal-provi li jkunu ser jitressqu.

Artikolu 74

1.   Ix-xhieda u l-periti għandhom dritt għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u ta’ l-alloġġ. Il-kaxxier tal-Qorti Ġenerali jista’ jagħtihom xi ħlas bil-quddiem bħala akkont għal dawn l-ispejjeż.

2.   Ix-xhieda għandhom dritt għal kumpens għal telf ta’ qligħ u l-periti għandhom dritt għal onorarju għas-servizzi tagħhom. Dan il-kumpens għandu jiġi mħallas mill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali lix-xhieda u lill-periti wara li huma jkunu wettqu d-dmirijiet tagħhom jew l-inkarigu tagħhom.

Artikolu 75

1.   Il-Qorti Ġenerali tista’, fuq talba tal-partijiet jew ex officio, tibgħat ittri rogatorji għall-eżami ta’ xhieda jew ta’ periti.

2.   L-ittra rogatorja tiġi mibgħuta permezz ta’ digriet; dan għandu jinkludi l-isem, il-kunjom, il-professjoni u l-indirizz tax-xhieda jew tal-periti, jindika l-fatti li fuqhom ix-xhieda jew il-periti ser jinstemgħu, jinnomina l-partijiet, l-aġenti, l-avukati jew il-konsulenti tagħhom kif ukoll l-indirizz għan-notifika, u jesponi sommarjament is-suġġett tal-kontroversja.

In-notifika tad-digriet issir lill-partijiet mir-Reġistratur.

3.   Ir-Reġistratur jindirizza d-digriet lill-Awtorità kompetenti, imsemmija fl-Anness tar-regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ta’ l-Istat Membru fejn is-smigħ tax-xhieda jew tal-periti għandha ssir. Jekk ikun il-każ, flimkien mad-digriet, issir traduzzjoni fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru destinatarju.

L-awtorità msemmija fl-applikazzjoni ta’ l-ewwel paragrafu tibgħat id-digriet lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti skond il-liġijiet tagħha.

L-awtorità ġudizzjarja kompetenti teżegwixxi t-talba fl-ittra rogatorja skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi tagħha. Wara l-eżekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tibgħat lill-awtorità msemmija, skond l-ewwel paragrafu, id-digriet bl-ittra rogatorja, id-dokumenti ta’ eżekuzzjoni, u taxxa ta’ l-ispejjeż. Dawn id-dokumenti għandhom jiġu indirizzati lir-Reġistratur.

Ir-Reġistratur għandu jassigura t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

4.   L-ispejjeż ta’ l-ittra rogatorja jiġu mħallsa mill-Qorti Ġenerali, taħt riżerva, jekk ikun il-każ, li jiġu addebitati lill-partijiet.

Artikolu 76

1.   Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal ta’ kull seduta. Dan il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur u huwa att awtentiku.

2.   Il-partijiet jistgħu jikkonsultaw il-proċessi verbali kollha kif ukoll ir-rapport tal-perit fir-Reġistru, u jistgħu jiksbu kopja taħt ħlas.

Kapitolu IIIa

FUQ IL-PROĊEDURI MĦAFFA

Artikolu 76a

1.   Fuq talba tar-rikorrent jew tal-konvenut, il-Qorti Ġenerali tista’, wara li jinstemgħu l-kontroparti u l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li l-kawża tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa meta l-urġenza partikolari u ċ-ċirkustanzi tal-kawża jeżiġu hekk.

It-talba sabiex il-kawża tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa għandha tiġi ppreżentata b'att separat flimkien mal-preżentata tar-rikors jew tar-risposta. F'din it-talba jista’ jiġi indikat li ċerti raġunijiet jew argumenti jew ċerti siltiet tar-rikors jew tas-sottomissjonijiet tad-difiża huma ppreżentati biss għall-każ fejn il-kawża ma tinqatax skond proċedura mħaffa, b'mod partikolari billi tiġi mehmuża mat-talba verżjoni mqassra tar-rikors kif ukoll lista ta’ l-annessi li għandhom jiġu kkunsidrati biss jekk il-każ jiġi deċiż skond il-proċedura mħaffa.

B'deroga għall-Artikolu 55, il-kawżi li dwarhom tiddeċiedi l-Qorti Ġenerali bi proċedura mħaffa jiġu deċiżi bi prijorità.

2.   B'deroga għall-Artikolu 46(1), meta r-rikorrent jitlob, skond il-paragrafu (1), li tittieħed deċiżjoni permezz tal-proċedura mħaffa, it-terminu għall-preżentata tas-sottomissjonijiet tad-difiża huwa ta’ xahar. Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li ma tilqax din it-talba, terminu supplementari ta’ xahar għall-preżentata jew, skond il-każ, sabiex jiġu kkompletati s-sottomissjonijiet tad-difiża, għandu jingħata lill-konvenut. It-termini previsti minn dan is-subparagrafu jistgħu jiġu pprorogati skond l-Artikolu 46(3).

Fil-kuntest ta’ proċedura mħaffa, ir-rikors u r-risposta msemmija fl-Artikolu 47(1), u fl-Artikolu 116(4) u (5), jistgħu jiġu ppreżentati biss jekk il-Qorti Ġenerali tawtorizzahom fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati skond l-Artikolu 64.

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 42, il-partijiet jistgħu jissupplementaw l-argumenti tagħhom u jippreżentaw provi ulterjuri matul il-proċedura orali. Huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard.

4.   Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li taqta’ skond proċedura mħaffa tista’ tkun suġġetta għal kundizzjonijiet dwar il-volum u l-preżentata ta’ sottomissjonijiet tal-partijiet, dwar l-iżvilupp ulterjuri tal-proċedura jew dwar ir-raġunijiet u l-argumenti li dwarhom il-Qorti Ġenerali tintalab tiddeċiedi.

Jekk waħda mill-partijiet ma tirrispettax xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni li l-kawża tinqata’ bil-proċedura mħaffa tista’ tiġi rrevokata. Il-proċedura mbagħad titkompla skond il-proċedura ordinarja.

Kapitolu IV

FUQ IS-SOSPENSJONI TAL-PROĊEDURI U FUQ L-ASTENSJONI TAL-QORTI ĠENERALI

Artikolu 77

Salv għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 123(4), 128, u 129(4), proċedura pendenti tista’ tiġi sospiża:

a)

fil-każijiet previsti mit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 54 ta’ l-Istatut;

b)

meta jkun tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tkun qatgħet parti mill-mertu tal-kawża, li tkun waqqfet kwistjoni proċedurali li tirrigwarda eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà, jew li tiċhad talba għal intervent;

ċ)

fuq talba konġunta tal-partijiet;

d)

f'każijiet oħra partikolari, meta l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja hekk teħtieġ.

Artikolu 78

Id-Deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċedura tittieħed b'digriet tal-President, wara li jinstemgħu l-partijiet u l-Avukat Ġenerali; il-President jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti Ġenerali. Id-Deċiżjoni li titkompla l-proċedura tittieħed bl-istess mod. Id-digrieti msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet.

Artikolu 79

1.   Is-sospensjoni tal-proċedura tidħol fis-seħħ fid-data indikata fid-digriet ta’ sospensjoni jew, fin-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni, fid-data tad-digriet.

Matul il-perijodu tas-sospensjoni, l-ebda terminu tal-proċedura ma jiddekorri, ħlief it-terminu ta’ l-intervent previst fl-Artikolu 115(1).

2.   Meta d-digriet ta’ sospensjoni ma jkunx stabbilixxa terminu, is-sospensjoni tispiċċa fid-data indikata fid-digriet bih titkompla l-proċedura jew, fin-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni, fid-data ta’ dan id-digriet.

It-termini tal-proċedura jerġgħu jibdew jiddekorru mill-ġdid mad-data li fih il-proċeduri jitkomplew.

Artikolu 80

Id-deċiżjonijiet ta’ astensjoni, imsemmija fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 54 ta’ l-Istatut, jittieħdu permezz ta’ digriet li jiġi nnotifikat lill-partijiet.

Kapitolu V

FUQ IS-SENTENZI

Artikolu 81

Is-sentenza għandha tinkludi:

l-indikazzjoni li s-sentenza tkun qiegħda tingħata mill-Qorti Ġenerali,

id-data ta’ meta qed tingħata,

l-ismijiet tal-President u ta’ l-Imħallfin li jkunu pparteċipaw,

l-isem ta’ l-Avukat Ġenerali li jkun ġie nnominat,

l-isem tar-Reġistratur,

l-indikazzjoni tal-partijiet,

l-ismijiet ta’ l-aġenti, tal-konsulenti jew ta’ l-avukati tal-partijiet,

it-talbiet tal-partijiet,

referenza għall-fatt li l-Qorti Ġenerali semgħet lill-Avukat Ġenerali,

il-fatti fil-qosor,

ir-raġunijiet,

il-parti operattiva, inkluża d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Artikolu 82

1.   Is-sentenza għandha tingħata fil-Qorti Ġenerali bil-miftuħ, wara li l-partijiet jiġu nnotifikati sabiex jattendu.

2.   L-oriġinal tas-sentenza, iffirmata mill-President, mill-Imħallfin li pparteċipaw fid-deliberazzjoni u mir-Reġistratur, għandha tiġi ssiġillata u ddepożitata fir-Reġistru; il-partijiet kollha għandhom jiġu nnotifikati b'kopja awtentikata tas-sentenza.

3.   Ir-Reġistratur għandu jagħmel notament tad-data ta’ meta s-sentenza ngħatat fuq l-oriġinal tas-sentenza.

Artikolu 83

Is-sentenza jkollha forza legali mill-ġurnata li tingħata, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 60 ta’ l-Istatut.

Artikolu 84

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tas-sentenzi, l-iżbalji tal-pinna jew fil-kalkoli jew ineżattezzi evidenti oħra jistgħu jiġu kkorreġuti mill-Qorti Ġenerali, sew ex officio, kif ukoll fuq talba ta’ xi parti, li tiġi ppreżentata fi żmien ġimagħtejn mid-data li fiha tingħata s-sentenza.

2.   Il-partijiet, debitament avżati mir-Reġistratur, jistgħu jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub f'terminu stabbilit mill-President.

3.   Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi in camera.

4.   L-oriġinal tad-digriet ta’ korrezzjoni għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tas-sentenza kkorreġuta. Fil-marġni ta’ l-oriġinal tas-sentenza kkorreġuta għandu jsir notament dwar dan id-digriet.

Artikolu 85

Jekk il-Qorti Ġenerali tkun naqset milli tiddeċiedi dwar l-ispejjeż, il-parti li għandha l-intenzjoni tinvoka dan għandha tagħmel talba permezz ta’ rikors fi żmien xahar min-notifika tas-sentenza.

Ir-rikors għandu jiġu nnotifikat lill-parti l-oħra u l-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex din tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

Wara l-preżentata ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u, fl-istess ħin, dwar il-mertu ta’ din it-talba.

Artikolu 86

Ir-Reġistratur għandu jassigura li tiġi ppubblikata ġabra tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali.

Kapitolu VI

FUQ L-ISPEJJEŻ

Artikolu 87

1.   Deċiżjoni dwar l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża.

2.   Il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

Jekk ikun hemm aktar minn parti waħda li titlef, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

3.   Jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, sabiex tħallas lura lill-parti l-oħra l-ispejjeż illi hi tkun ikkawżatilha u li l-Qorti Ġenerali tqis fiergħa jew vessatorji.

4.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

L-Istati kontraenti fil-Ftehim ŻEE, li mhumiex Stati Membri, kif ukoll l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA għandhom ukoll ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom meta jintervjenu f'kawża.

Il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li parti intervenjenti, barra minn dawk imsemmija fis-subparagrafi preċedenti, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

5.   Il-parti li tirrinunzja għall-atti għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-kontroparti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti. Madankollu, fuq it-talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti, il-kontroparti għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher ġustifikat mill-aġir ta’ l-istess kontroparti.

Fil-każ ta’ ftehim bejn il-partijiet dwar l-ispejjeż, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi skond dak il-ftehim.

Fin-nuqqas li ssir talba għall-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

6.   Fil-każ li m'hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Artikolu 88

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(3), fil-kawżi bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Artikolu 89

L-ispejjeż ta’ l-infurzar li parti kellha tħallas għandhom jiġu mħallsa lura mill-kontroparti skond it-tariffa li hija fis-seħħ fl-Istat fejn l-dan l-infurzar jitwettaq.

Artikolu 90

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali hija bla ħlas, salv għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)

jekk il-Qorti Ġenerali għamlet spejjeż li setgħu jiġu evitati, hija tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tikkundanna lill-parti li kkawżathom sabiex tħallashom lura;

b)

l-ispejjeż tal-kopji kollha u tat-traduzzjoni mwettqa fuq talba ta’ parti, li huma kkunsidrati żejda mir-Reġistratur, għandhom jiġu mħallsa lura minn din il-parti skond it-tariffa prevista mill-Artikolu 24(5).

Artikolu 91

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu preċedenti, l-ispejjeż li ġejjin għandhom jitqiesu bħala spejjeż li jistgħu jinġabru:

a)

l-ammonti dovuti lix-xhieda u lill-periti skond l-Artikolu 74;

b)

l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, partikolarment l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u ta’ l-alloġġ, kif ukoll ir-remunerazzjoni ta’ aġent, konsulent, jew avukat.

Artikolu 92

1.   Fil-każ ta’ kontestazzjoni dwar l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet li mhuwiex appellabbli, fuq talba tal-parti interessata, u wara li tisma’ l-osservazzjonijiet tal-parti bl-osservazzjonijiet tagħha.

2.   Il-partijiet jistgħu, għall-finijiet ta’ l-eżekuzzjoni, jitolbu kopja eżekuttiva ta’ dan id-digriet.

Artikolu 93

1.   Il-kaxxier tal-Qorti Ġenerali u d-debituri tagħha għandhom jeffettwaw il-pagamenti tagħhom f'Euro.

2.   Meta l-ispejjeż li huma rimborsabbli jkunu saru f'valuta li mhijiex l-Euro jew meta l-atti li jwasslu għall-kumpens ikunu twettqu f'pajjiż li m'għandux l-Euro bħala l-valuta tiegħu, il-konverzjoni tal-flus għandha ssir skond ir-rata tal-kambju ta’ referenza tal-Bank Centrali Ewropew fil-jum tal-pagament.

Kapitolu VII

FUQ L-GĦAJNUNA LEGALI

Artikolu 94

1.   Sabiex jiġi assigurat aċċess effettiv għall-ġustizzja, l-għajnuna legali tingħata għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali skond ir-regoli segwenti.

L-għajnuna legali tkopri l-ammont totali ta’ l-ispejjeż marbuta ma’ l-għajnuna u r-rappreżentazzjoni legali quddiem il-Qorti Ġenerali jew parti minnhom. Il-kaxxier tal-Qorti Ġenerali huwa responsabbli għal dawn l-ispejjeż.

2.   Kull persuna fiżika li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, ma tistax, totalment jew parzjalment, tkopri l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1, għandha d-dritt li tibbenefika mill-għajnuna legali.

Is-sitwazzjoni ekonomika tiġi evalwata billi jiġu kkunsidrati elementi oġġettivi bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni familjari.

3.   L-għajnuna legali tiġi miċħuda jekk l-azzjoni, li għaliha hi mitluba, tidher manifestament inammissibbli jew manifestament infondata.

Artikolu 95

1.   L-għajnuna legali tista’ tintalab qabel jew wara l-preżentata tar-rikors.

Mhuwiex meħtieġ li t-talba ssir permezz ta’ avukat.

2.   Flimkien mat-talba għal għajnuna legali għandu jkun hemm l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jiġġustifikawha, li jippermettu li tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika ta’ min jagħmel it-talba, bħal ċertifikat mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jagħti prova tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ min jagħmel it-talba.

Jekk it-talba tiġi ppreżentata qabel ma jitressaq ir-rikors, min jagħmel it-talba għandu jesponi, fil-qosor, l-għan tar-rikors li huwa jrid iressaq, il-fatti tal-kawża u l-argumenti li jsostnu r-rikors. Mat-talba għandu jkun hemm id-dokumentazzjoni in sostenn tagħha.

3.   Il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi, skond l-Artikolu 150, li l-użu ta’ formola sabiex titressaq talba għal għajnuna legali jkun obbligatorju.

Artikolu 96

1.   Qabel ma tiddeċiedi fuq it-talba għal għajnuna legali, il-Qorti Ġenerali tistieden lill-parti l-oħra sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub sakemm mill-elementi ppreżentati ma jkunx jidher diġà li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 94(2) mhumiex sodisfatti jew li dawk tal-paragrafu 3 huma sodisfatti.

2.   Id-deċiżjoni dwar it-talba għal għajnuna legali tittieħed mill-President permezz ta’ digriet. Huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti Ġenerali.

Id-Digriet li jiċħad l-għajnuna legali għandu jkun motivat.

3.   Fid-digriet li jawtorizza l-għajnuna legali, għandu jinħatar avukat sabiex jirrappreżenta l-parti interessata.

Jekk il-parti interessata ma tkunx ipproponiet avukat hija stess jew jekk m'hemmx lok li l-għażla tagħha tkun ikkonfermata, ir-Reġistratur għandu jibgħat kopja tad-digriet u kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ikkonċernat imsemmija fl-Anness II tar-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-avukat li jkun inkarigat jirrappreżenta l-parti li tagħmel it-talba jinħatar fid-dawl tal-proposti trażmessi minn din l-awtorità.

Id-digriet li jagħti l-għajnuna legali jista’ jistabbilixxi somma li tingħata lill-avukat inkarigat sabiex jirrappreżenta lill-parti interessata jew jistabbilixxi limitu massimu li, bħala prinċipju, ma jkunx jista’ jinqabeż mill-ispejjeż u mill-onorarju ta’ l-avukat. Id-digriet jista’ jipprevedi kontribuzzjoni mill-parti interessata għall-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 94(1), filwaqt li jikkunsidra s-sitwazzjoni ekonomika ta’ tali parti.

4.   Il-preżentata ta’ talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar din it-talba jew, fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, tad-digriet li jaħtar l-avukat li jkun inkarigat jassisti lill-parti li tagħmel it-talba.

5.   Jekk il-kundizzjonijiet li wasslu sabiex tingħata l-għajnuna legali jinbidlu matul il-kawża, il-President jista’ jirrevoka dan il-benefiċċju, kemm ex officio kif ukoll fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, wara li tinstema’ l-parti interessata. Huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti Ġenerali.

Id-digriet li jirrevoka l-għajnuna legali għandu jkun motivat.

6.   Id-digrieti mogħtija bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu mhumiex appellabbli.

Artikolu 97

1.   Fil-każ ta’ l-ammissjoni għall-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali, il-President jista’, fuq talba ta’ l-avukat tal-parti interessata, jiddeċiedi li jsir pagament bil-quddiem lill-avukat.

2.   Meta, bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqta’ l-kawża, il-parti li bbenefikat mill-għajnuna legali tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha, il-President għandu jistabbilixxi l-ispejjeż u l-onorarji ta’ l-avukat li għandhom jitħallsu mill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali permezz ta’ digriet motivat li mhuwiex appellabbli. Huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti Ġenerali.

3.   Meta’ fid-deċiżjoni li taqta’ l-kawża, il-Qorti Ġenerali tkun ikkundannat parti oħra tbati l-ispejjeż tal-parti li bbenefikat mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali, din il-parti l-oħra hija marbuta li tħallas lura lill-Kaxxier tal-Qorti Ġenerali dawk l-ammonti li ġew mħallsa bħala għajnuna.

Fil-każ ta’ kontestazzjoni jew jekk il-parti ma twettaqx talba tar-Reġistratur sabiex tħallas lura dawn l-ammonti, il-President għandu jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat li mhuwiex appellabbli. Il-President jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Qorti Ġenerali.

4.   Meta l-parti li tibbenefika mill-għajnuna legali titlef, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk dan huwa meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż meta taqta’ l-kawża, tordna li waħda jew aktar mill-partijiet l-oħra jbatu l-ispejjeż tagħhom jew li l-ispejjeż kollha jew parti minnhom jitħallsu mill-Kaxxier tal-Qorti Ġenerali bħala għajnuna legali.

Kapitolu VIII

FUQ IR-RINUNZJA GĦALL-ATTI

Artikolu 98

Jekk, qabel ma’ l-Qorti Ġenerali tkun tat id-deċiżjoni tagħha, il-partijiet jiftiehmu dwar is-soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ bejniethom u jekk dawn jinfurmaw lill-Qorti Ġenerali illi huma qed jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha tagħhom, il-President għandu jordna t-tħassir tal-kawża mir-reġistru u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87(5), wara li jqis, jekk ikun il-każ, il-proposti magħmula mill-partijiet f'dan ir-rigward.

Din id-dispożizzjoni mhijiex applikabbli għar-rikorsi previsti mill-Artikoli 263 u 265 TFUE.

Artikolu 99

Jekk ir-rikorrent jinforma lill-Qorti Ġenerali bil-miktub illi huwa għandu l-intenzjoni li jirrinunzja għall-atti, il-President għandu jordna li l-kawża titħassar mir-reġistru u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond l-Artikolu 87(5).

Kapitolu IX

FUQ IN-NOTIFIKI

Artikolu 100

1.   Ir-Reġistratur għandu jassigura li jsiru n-notifiki previsti f'dawn ir-Regoli, fl-indirizz għan-notifika tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata, u dan jew billi tintbagħat kopja ta’ l-att li għandu jiġi nnotifikat bil-posta reġistrata b'dikjarazzjoni ta’ rċevuta, jew billi din il-kopja tittieħed personalment taħt l-għotja ta’ rċevuta.

Il-kopji ta’ l-oriġinal li għandu jiġi nnotifikat, għandhom jiġu ppreparati u awtentikati mir-Reġistratur ħlief meta l-partijiet innifishom jippreżentaw il-kopji skond l-Artikolu 43(1).

2.   Fil-każ li, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 44(2), il-persuna li għandha tiġi nnotifikata taċċetta li n-notifiki jsirulha permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni, in-notifika ta’ kull att tal-proċedura, inklużi s-sentenzi u tad-digrieti tal-Qorti Ġenerali, tista’ ssir billi tintbagħat kopja tad-dokument b'dan il-mezz.

Is-sentenzi u d-digrieti nnotifikati skond l-Artikolu 55 ta’ l-Istatut lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet li ma kinux parti fil-kawża għandhom jiġu trażmessi permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni.

Jekk għal raġunijiet tekniċi jew minħabba il-volum ta’ l-att, din it-trażmissjoni ma tistax isseħħ, fejn il-persuna li għandha tiġi nnotifikata ma tindikax indirizz għan-notifika, l-att għandu jiġi nnotifikat fl-indirizz ta’ l-istess persuna skond il-proċedura prevista mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-persuna li għandħa tiġi nnotifikata tiġi avżata b'dan permezz ta’ faks jew permezz ta’ xi mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni. F'dan il-każ, in-notifika ta’ din il-persuna għandha titqies li saret bil-posta reġistrata, fl-għaxar jum wara li l-att ikun ġie ddepożitat fl-uffiċċju postali fejn il-Qorti Ġenerali għandha s-sede tagħha, sakemm l-irċevuta ma tindikax li l-istess persuna rċevietha f'data oħra jew sakemm l-istess persuna ma tinfurmax lir-Reġistratur, fi żmien tliet ġimgħat mill-avviż li jkun sarilha permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni, li n-notifika ma waslitilhiex.

Kapitolu X

FUQ IT-TERMINI

Artikolu 101

1.   It-termini tal-proċedura previsti mit-Trattati, mill-Istatut u mir-Regoli preżenti għandhom jiġu kalkulati kif ġej:

a)

fejn terminu, li huwa espress f'jiem, f'ġimgħat, f'xhur jew fi snin, għandu jiġi kkalkulat mill-mument li fih jiġri avveniment jew jitwettaq att, il-jum li fih jiġri l-avveniment jew li jitwettaq l-att m'għandux jiġi inkluż fit-terminu;

b)

terminu espress f'ġimgħat, f'xhur jew fi snin għandu jispiċċa ma’ l-iskadenza ta’ dak il-jum li, fl-aħħar ġimgħa, fl-aħħar xahar jew fl-aħħar sena, iġib l-istess isem jew l-istess numru tal-jum li fih ġara l-avveniment jew twettaq xi att li minnu għandu jiġi kkalkulat it-terminu. Jekk f'terminu espress f'xhur jew fi snin, il-jum stabbilit għall-iskadenza tiegħu ma jinsertax fl-aħħar xahar tat-terminu, dan it-terminu jiskadi ma’ tmiem l-aħħar jum ta’ dak ix-xahar;

ċ)

meta terminu huwa espress f'xhur u f'jiem, għandhom l-ewwel jiġu meqjusa x-xhur sħaħ u mbagħad il-jiem;

d)

it-termini jinkludu l-jiem ta’ vakanza legali, il-Ħdud u s-Sibtijiet;

e)

it-termini ma jiġux sospiżi matul il-ferjat.

2.   Jekk il-jum li fih jiskadi t-terminu jkun Sibt, Ħadd jew jum ta’ vakanza legali, l-iskadenza għandha tiġi pprorogata għall-tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss.

Il-lista tal-jiem ta’ vakanza legali stabbilita mill-Qorti Ġenerali għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 102

1.   Meta terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ta’ istituzzjoni jibda jiddekorri mill-pubblikazzjoni ta’ dak l-att, dan it-terminu għandu jiġi kkalkulat li jibda, skond l-Artikolu 101(1)(a) minn tmiem l-erbatax-il jum wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ dak l-att fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   It-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b'terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

Artikolu 103

1.   It-termini stabbiliti taħt dawn ir-Regoli jistgħu jiġu pprorogati mill-awtorità li stabbiliethom.

2.   Il-President jista’ jiddelega lir-Reġistratur is-setgħa li jiffirma sabiex jistabbilixxi ċerti termini li huma jistgħu jistabbilixxu bis-saħħa ta’ dawn ir-Regoli, jew sabiex jipproroga dawn it-termini.

IT-TIELET TITOLU

FUQ IL-PROĊEDURI SPEĊJALI

Kapitolu I

FUQ IS-SOSPENSJONI TA’ L-EŻEKUZZJONI U MIŻURI PROVVIŻORJI OĦRA PERMEZZ TA’ PROĊEDURA SOMMARJA

Artikolu 104

1.   Kull talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni skond l-Artikoli 278 TFUE u 157 TKEEA tkun ammissibbli biss jekk min jitlob tali sospensjoni jkun ikkontesta dak l-att b'rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

Kull talba għal xi waħda mill-miżuri provviżorji l-oħra taħt l-Artikolu 279 TFUE tkun ammissibbli biss jekk din issir minn parti f'kawża li tinsab quddiem il-Qorti Ġenerali u jekk din tirreferi għall-kawża msemmija.

2.   It-talbiet previsti mill-paragrafu preċedenti għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba.

3.   It-talba għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ att separat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 43 u 44.

Artikolu 105

1.   It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-kontroparti wara li l-President jistabbilixxi terminu qasir għall-preżentata ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħha.

2.   Il-President għandu jiddeċiedi jekk hemmx lok li jordna l-ftuħ ta’ l-istruttorja.

Il-President jista’ jilqa’ t-talba anki qabel ma l-kontroparti tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. Din il-miżura tista’ tiġi suċċessivament immodifikata jew irrevokata, anki ex officio.

Artikolu 106

Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment tal-President tal-Qorti Ġenerali, għandu jeżerċita l-funzjonijiet ta’ Mħallef għal proċeduri sommarji Mħallef ieħor li jiġi nnominat taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali skond l-Artikolu 10.

Artikolu 107

1.   Id-deċiżjoni dwar it-talba għandha tingħata permezz ta’ digriet motivat. Dan id-digriet għandu jiġi nnotifikat minnufih lill-partijiet.

2.   L-eżekuzzjoni tad-digriet tista’ tiġi ssuġġettata għal depożitu ta’ garanzija minn min għamel it-talba. L-ammont u n-natura ta’ tali garanzija għandhom jiġu stabbiliti skond iċ-ċirkustanzi.

3.   Dan id-digriet jista’ jistabbilixxi data minn meta l-miżura ma tibqax fis-seħħ. Jekk din id-data ma tiġix stabbilita, il-miżura tispiċċa mis-seħħ meta tingħata s-sentenza definittiva.

4.   Dan id-digriet għandu natura provviżorja u ma jippreġudikax id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali fil-kawża prinċipali.

Artikolu 108

Dan id-digriet jista’ jiġi mmodifikat jew irrevokat f'kull waqt fuq talba ta’ parti minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi.

Artikolu 109

Iċ-ċaħda ta’ talba għal miżura provviżorja ma tipprojbixxix lill-parti li tkun għamlitha milli tippreżenta talba oħra bbażata fuq fatti ġodda.

Artikolu 110

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu huma applikabbli għal talba għal sospensjoni ta’ l-infurzar ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jew ta’ att ta’ istituzzjoni oħra, ippreżentata skond l-Artikoli 280 u 299 TFUE u l-Artikolu 164 TKEEA.

Id-digriet li jilqa’ t-talba għandu jistabbilixxi, jekk ikun il-każ, id-data meta l-miżura provviżorja ma tibqax fis-seħħ.

Kapitolu II

FUQ KWISTJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 111

Meta l-Qorti Ġenerali hija manifestament inkompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ rikors, jew fil-każ li tali rikors huwa manifestament inammissibbli, il-Qorti Ġenerali tista’, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

Artikolu 112

Ir-rinviju ta’ rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif mitlub mit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 54 ta’ l-Istatut, jiġi ppronunċjat, fil-każ ta’ inkompetenza manifesta, mingħajr ma tiġi segwita l-proċedura, iżda permezz ta’ digriet motivat.

Artikolu 113

Il-Qorti Ġenerali tista’, f'kull waqt u ex officio,wara li tisma’ lill-partijiet, tiddeċiedu fuq l-inammissibbiltà tar-rikors għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, jew tikkonstata li r-rikors m'għadx għandu skop u li m'għadx hemm lok għal deċiżjoni; id-deċiżjoni għandha tittieħed skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 114(3) u (4).

Artikolu 114

1.   Talba minn waħda mill-partijiet li titlob lill-Qorti Ġenerali tieħu deċiżjoni dwar ammissibbiltà, inkompetenza jew fuq kwistjoni mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża għandha ssir permezz ta’ att separat.

It-talba għandha tesponi r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija bbażata, it-talbiet u, annessi magħha, id-dokumenti invokati in sostenn tagħha.

2.   Mal-preżentata ta’ l-att li bih titressaq it-talba, il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex il-kontroparti tippreżenta bil-miktub it-talbiet u l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt.

3.   Il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor.

4.   Il-Qorti Ġenerali, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, għandha tiddeċiedi dwar it-talba jew tirrinvija d-deċiżjoni tagħha għas-sentenza finali. Hija għandha tirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-kawża taqa’ taħt il-kompetenza ta’ din ta’ l-aħħar.

Jekk il-Qorti Ġenerali tiċħad it-talba jew tirrinvija d-deċiżjoni tagħha għas-sentenza finali, il-President għandu jistabbilixxi termini ġodda għall-kontinwazzjoni tal-kawża.

Kapitolu III

FUQ L-INTERVENT

Artikolu 115

1.   It-talba għal intervent għandha tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mill-pubblikazzjoni ta’ l-avviż imsemmi fl-Artikolu 24(6) jew, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 116(6), qabel id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura orali prevista fl-artikolu 53.

 

   It-talba għal intervent għandha tinkludi:

a)

indikazzjoni tal-kawża;

b)

indikazzjoni tal-partijiet fil-kawża;

ċ)

l-isem u l-indirizz ta’ l-intervenjent;

d)

l-għażla ta’ l-indirizz għan-notifika ta’ l-intervenjent fil-post fejn il-Qorti Ġenerali għandha s-sede tagħha;

e)

it-talbiet li l-intervenjent qiegħed jitlob li jsostni bl-intervent tiegħu;

f)

meta t-talba hija ppreżentata skond it-tieni jew it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut, deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li jagħtu d-dritt għall-intervent.

L-intervenjent għandu jkun irrappreżentat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 19 ta’ l-Istatut.

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 43 u 44 ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli.

3.   L-intervenjent għandu jkun irrappreżentat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 19 ta’ l-Istatut.

Artikolu 116

1.   It-talba għal intervent għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet.

Qabel ma jiddeċiedi dwar it-talba għal intervent, il-President għandu jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub jew oralment.

Il-President għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal intervent permezz ta’ digriet jew għandu jirrinvija t-talba lill-Qorti Ġenerali. Fil-każ li t-talba tiġi miċħuda, id-digriet għandu jkun motivat.

2.   Fil-każ li talba għal intervent, li tiġi ppreżentata fit-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1), tiġi milqugħa, l-intervenjent għandu jirċievi kopja ta’ l-atti kollha tal-proċedura nnotifikati lill-partijiet. Madankollu, il-President jista’, fuq talba ta’ parti, jeskludi xi dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali minn din il-komunikazzjoni.

3.   L-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis.

4.   Il-President għandu jistabbilixxi terminu li fih l-intervenjent għandu jippreżenta s-sottomissjonijiet ta’ l-intervent.

Is-sottomissjonijiet ta’ l-intervent għandhom jinkludu:

a)

it-talbiet ta’ l-intervenjent intiżi sabiex isostnu jew sabiex jiċħdu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ta’ xi waħda mill-partijiet;

b)

ir-raġunijiet u l-argumenti mressqa mill-intervenjent;

ċ)

jekk ikun il-każ, il-provi li jixtieq iressaq.

5.   Wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet ta’ l-intervent, il-President għandu jistabbilixxi, jekk ikun il-każ, terminu li fih il-partijiet jistgħu jwieġbu għal dawn is-sottomissjonijiet.

6.   Jekk it-talba għal intervent tiġi ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt ġimgħat previst fl-Artikolu 115(1), l-intervenjent jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, ibbażati fuq ir-Rapport għas-Seduta li għandu jintbagħat lilu, waqt il-proċedura orali.

Kapitolu IV

FUQ IS-SENTENZI MOGĦTIJA QABEL L-ANNULLAMENT U R-RINVIJU

Artikolu 117

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla sentenza jew digriet tal-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi li tirrinvija lil din ta’ l-aħħar id-deċiżjoni fuq il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu konjizzjoni skond is-sentenza tar-rinviju.

Artikolu 118

1.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla sentenza jew digriet ta’ Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali jista’ jassenja l-kawża lil Awla oħra komposta mill-istess numru ta’ Mħallfin.

2.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla sentenza jew digriet mogħtija mis-Seduta Plenarja jew mill-Awla Manja tal-Qorti Ġenerali, il-kawża tintbagħat lura lill-Kulleġġ ġudikanti li jkun ta d-deċiżjoni in kwistjoni.

2a. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla sentenza jew digriet ta’ Mħallef uniku, il-President tal-Qorti Ġenerali għandu jassenja l-kawża lil Awla bi tliet Imħallfin li ma tinkludix lil dak l-Imħallef.

3.   Fil-każijiet previsti fil-paragrafi (1), (2), u (2a), huma applikabbli l-Artikoli 13(2), 14(1), u 51.

Artikolu 119

1.   Meta l-proċedura bil-miktub, quddiem il-Qorti Ġenerali, tintemm fil-mument tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-proċedura għandha ssegwi l-fażijiet li ġejjin:

a)

F'terminu ta’ xahrejn li jibdew jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssir lilu, ir-rikorrent jista’ jippreżenta sottomissjonijiet bil-miktub;

b)

F'terminu ta’ xahar li jiddekorri minn meta l-kontroparti tiġi nnotifikata bis-sottomissjonijiet, din ta’ l-aħħar tista’ tippreżenta s-sottomissjonijiet bil-miktub. It-terminu mogħti lil min jippreżenta s-sottomissjonijiet tad-difiża ma jistax ikun f'kull każ inqas minn xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċizjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssir lilu.

ċ)

F'terminu ta’ xahar li jiddekorri mill-komunikazzjoni simultanea tas-sottomissjonijiet tar-rikorrent u tal-kontroparti lill-parti intervenjenti, dan ta’ l-aħħar jista’ jippreżenta s-sottomissjoniiet bil-miktub. It-terminu mogħti lill-parti intervenjenti sabiex tippreżenta dawn is-sottomissjonijiet ma jistax ikun, f'kull każ, inqas minn terminu ta’ xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ssir lilu.

2.   Meta, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura bil-miktub ma tkunx intemmet fil-mument tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża titkompla fil-punt li fiha tkun tħalliet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti mill-Qorti Ġenerali.

3.   Jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu, il-Qorti Ġenerali tista’ tawtorizza l-preżentata ta’ sottomissjonijiet kumplementari għall-osservazzjonijiet bil-miktub.

Artikolu 120

Il-proċedura għandha ssegwi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regoli preżenti.

Artikolu 121

Il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq l-ispejjeż, kemm tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, kif ukoll dawk tal-proċedura ta’ l-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Kapitolu IVa

FUQ ID-DEĊIŻJONIJIET TAL-QORTI ĠENERALI MOGĦTIJA WARA EŻAMI MILL-ĠDID U RINVIJU

Artikolu 121a

Meta l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq eżami mill-ġdid ta’ sentenza jew ta’ digriet tal-Qorti Ġenerali u tiddeċiedi li tirrinvija lil din tal-aħħar id-deċiżjoni fuq il-kawża, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu konjizzjoni skont is-sentenza ta’ rinviju.

Artikolu 121b

1.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija kawża li kienet ġiet deċiża minn awla, il-President tal-Qorti Ġenerali jista’ jassenja l-kawża lil awla oħra komposta mill-istess numru ta’ Mħallfin.

2.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tirrinvija kawża li kienet ġiet deċiża mis-Seduta Plenarja jew mill-Awla Manja tal-Qorti Ġenerali, il-kawża għandha tiġi assenjata lill-kulleġġ ġudikanti li jkun ta d-deċiżjoni inkwistjoni.

3.   Fil-każijiet previsti fil-paragrafi (1) u (2) ta’ dan l-artikolu, l-Artikoli 13(2), 14(1) u 51(1) huma applikabbli.

Artikolu 121c

1.   Fi żmien xahar, li jidba jiddekorri min-notifika tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konklużjonijiet li jirriżultaw minn din is-sentenza għas-soluzzjoni tal-kwistjoni. Dan it-terminu ma jistax jiġi pprorogat.

2.   Il-Qorti Ġenerali tista’ titlob lill-partijiet fil-proċedura quddiemha sabiex jippreżentaw noti, fid-dawl tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, u tiddeċiedi li tismagħhom waqt proċedura orali.

Artikolu 121d

Il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż tal-proċedura mibdija quddiemha wara l-eżami mill-ġdid.

Kapitolu V

FUQ IS-SENTENZI MOGĦTIJA FIL-KAŻ TA’ KONTUMAĊJA U FUQ L-OPPOŻIZZJONI

Artikolu 122

1.   Jekk konvenut, li kien debitament notifikat b'rikors, jonqos li jwieġeb għalih fil-forma u fit-termini preskritti, ir-rikorrent jista’ jitlob lill-Qorti Ġenerali sabiex tilqa’ t-talbiet tiegħu.

Din it-talba għandha tiġi nnotifikata lill-konvenut. Il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura orali fuq din it-talba.

2.   Qabel ma tagħti s-sentenza fil-każ ta’ kontumaċja, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-ammissibbiltà tar-rikors u għandha tivverifika jekk il-formalitajiet ġewx osservati u jekk it-talbiet tar-rikorrent jidhrux fondati. Hija tista’ tordna li jittieħdu miżuri istruttorji.

3.   Is-sentenza fil-każ ta’ kontumaċja hija eżekuttiva. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni tagħha sakemm hija tkun ħadet deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni ppreżentata bis-saħħa tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu kif ukoll tista’ tissuġġetta tali eżekuzzjoni għal depożitu ta’ garanzija li l-ammont u l-kundizzjonijiet tagħha jiġu stabbiliti skond iċ-ċirkustanzi; din il-garanzija għandha tiġi rrilaxxata jekk ma jkunx hemm oppożizzjoni jew fil-każ li din l-oppożizzjoni tiġi miċħuda.

4.   Tista’ ssir oppożizzjoni kontra sentenza li tingħata fil-każ ta’ kontumaċja. L-oppożizzjoni għandha ssir f'terminu ta’ xahar mid-data tan-notifika tas-sentenza u għandha ssir fil-forom preskritti fl-Artikoli 43 u 44.

5.   Wara n-notifika ta’ l-oppożizzjoni, il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex il-parti l-oħra tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

Il-proċedura għandha tiżvolġi skond id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-Regoli.

6.   Il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi permezz ta’ sentenza li kontra tagħha ma tistax issir oppożizzjoni. L-oriġinal ta’ din is-sentenza għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tas-sentenza li tkun ingħatat fil-każ ta’ kontumaċja. Għandu jsir notament tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni fil-marġni ta’ l-oriġinal tas-sentenza mogħtija fil-każ ta’ kontumaċja.

Kapitolu VI

FUQ IR-RIMEDJI EĊĊEZZJONALI

L-Ewwel Taqsima – Fuq l-Oppożizzjoni minn Terzi

Artikolu 123

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 43 u 44 huma applikabbli għal talba minn terz biex jopponi; din għandha, barra minn hekk:

a)

tispeċifika s-sentenza kkontestata;

b)

tindika kif is-sentenza kkontestata tippreġudika d-drittijiet tat-terz li qed jopponi;

ċ)

tindika r-raġunijiet għaliex it-terz li qed jopponi ma setax ikun parti fil-kawża prinċipali quddiem il-Qorti Ġenerali.

L-oppożizzjoni għandha ssir kontra l-partijiet kollha fil-kawża prinċipali.

Jekk is-sentenza tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahrejn minn din il-pubblikazzjoni.

2.   Is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza kkontestata tista’ tiġi ordnata fuq talba tat-terz li qed jopponi. Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Kapitolu I huma applikabbli.

3.   Is-sentenza għandha tiġi mmodifikata f'dawk il-punti fejn l-oppożizzjoni tat-terz tiġi milqugħa.

L-oriġinal tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni tat-terz għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tas-sentenza kkontestata. Għandu jsir notament tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni tat-terz fil-marġni ta’ l-oriġinal tas-sentenza kkontestata.

4.   Meta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talba għal oppożizzjoni minn terzi quddiem il-Qorti Ġenerali jiġu mressqa kontra l-istess sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali, wara li tisma’ l-partijiet, tista’ tissospendi l-proċedura sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 124

It-talba ta’ oppożizzjoni minn terzi għandha tiġi assenjata lill-Awla li tkun ħadet id-deċiżjoni dwar it-talba ta’ oppożizzjoni minn terzi; hija tiġi assenjata lis-Seduta Plenarja jew lill-Awla Manja jekk dawn ta’ l-aħħar ikunu ħadu d-deċizjoni. Jekk id-deċiżjoni tittieħed minn Imħallef uniku, it-talba ta’ oppożizzjoni minn terzi tiġi assenjata lil dan l-Imħallef.

It-Tieni Taqsima – Fuq ir-Reviżjoni

Artikolu 125

Bla ħsara għat-terminu ta’ għaxar snin previst fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 44 ta’ l-Istatut, ir-reviżjoni għandha tintalab f'terminu ta’ mhux aktar tard minn tliet xhur li jibdew jiddekorru mill-jum li fih min jitlobha jkun sar jaf bil-fatt li fuqu hija bbażata t-talba għal reviżjoni.

Artikolu 126

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 43 u 44 ta’ dawn ir-Regoli huma applikabbli għal talba għal reviżjoni; talba għal reviżjoni għandha wkoll:

a)

tispeċifika s-sentenza kkontestata;

b)

tindika l-punti li fuqhom qiegħda tiġi kkontestata s-sentenza;

ċ)

tispeċifika l-fatti li fuqhom it-talba hija bbażata;

d)

tindika n-natura tal-provi intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ fatti li jiġġustifikaw ir-reviżjoni u sabiex juru li t-termini preskritti mill-Artikolu preċedenti ġew irrispettati.

2.   It-talba għal reviżjoni għandha ssir kontra l-partijiet kollha fis-sentenza li tagħha tintalab ir-reviżjoni.

Artikolu 127

1.   It-talba għal reviżjoni tiġi assenjata lill-Awla li tat is-sentenza li hija s-suġġett tat-talba għal reviżjoni; hija tiġi assenjata lis-Seduta Plenarja jew lill-Awla Manja jekk waħda minn dawn ikunu taw is-sentenza. Jekk is-sentenza tkun ingħatat minn Imħallef uniku, it-talba għal reviżjoni tiġi assenjata lil dan l-Imħallef.

2.   Bla ħsara għad-deċiżjoni fuq il-mertu, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tat-talba, wara li tisma’ l-Avukat Ġenerali, u wara li tikkunsidra l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet.

3.   Jekk il-Qorti Ġenerali tiddikjara li t-talba hija ammissibbli, hija għandha tipproċedi għall-eżami tal-mertu u għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta’ sentenza, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli.

4.   L-oriġinal tas-sentenza ta’ reviżjoni għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tas-sentenza li ġiet riveduta. Għandu jsir notament tas-sentenza ta’ reviżjoni fil-marġni ta’ l-oriġinal tas-sentenza li ġiet riveduta.

Artikolu 128

Meta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talba ta’ reviżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jirrigwardaw l-istess sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali, wara li tisma’ l-partijiet, tista’ tissospendi l-proċedura sakemm tagħti s-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja.

It-Tielet Taqsima – Fuq l-Interpretazzjoni tas-Sentenzi

Artikolu 129

1.   It-talba għal interpretazzjoni għandha tiġi ppreżentata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 43 u 44 ta’ dawn ir-Regoli. Hija għandha wkoll tindika:

a)

is-sentenza kkonċernata;

b)

il-partijiet tas-sentenza li tagħhom tkun qed tintalab l-interpretazzjoni.

It-talba għandha titressaq kontra l-partijiet kollha fis-sentenza.

2.   It-talba għal interpretazzjoni tiġi assenjata lill-Awla li tat is-sentenza li hija s-suġġett tat-talba għal interpretazzjoni; hija tiġi assenjata lis-Seduta Plenarja jew lill-Awla Manja jekk dawn ikunu taw is-sentenza. Jekk is-sentenza tkun ingħatat minn Imħallef uniku, it-talba għal interpretazzjoni tiġi assenjata lil dan l-Imħallef.

3.   Il-Qorti Ġenerali għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta’ sentenza wara li tkun tat lill-partijiet l-opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali.

L-oriġinal tas-sentenza li tagħti l-interpretazzjoni għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tas-sentenza li tagħha ngħatat l-interpretazzjoni. Fil-marġni ta’ l-oriġinal tas-sentenza li tagħha ngħatat interpretazzjoni għandu jsir notament tas-sentenza li tat l-interpretazzjoni.

4.   Meta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u talba għal interpretazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali jirrigwardaw l-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali, wara li jinstemgħu l-partijiet, tista’ tissospendi l-proċedura sa meta tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

IR-RABA’ TITOLU

FUQ IL-KWISTJONIJIET DWAR IL-PROPRJETÀ INTELLETTWALI

Artikolu 130

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari ta’ dan it-Titolu, id-dispożizzjonijiet tar-Regoli preżenti huma applikabbli għar-rikorsi mressqa kontra l-Uffiċċju ta’ l-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinni), u kontra l-Uffiċċju tal-Varjetajiet ta’ Pjanti, iktar ‘il quddiem imsejjaħ l-“Uffiċċju”, u li jirrigwarda l-applikazzjoni tar-Regoli dwar is-sistema tal-Proprjetà intellettwali.

2.   Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu preżenti mhumiex applikabbli għal rikorsi mressqa kontra l-Uffiċċju jekk qabel ma ssirx il-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

Artikolu 131

1.   Ir-rikors irid ikun ifformulat f'waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 35(1), li tkun magħżula mir-rikorrent.

2.   Il-Lingwa li biha jiġi fformulat ir-rikors issir il-lingwa tal-kawża jekk il-parti rikorrenti kienet l-unika parti fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell, jew jekk l-ebda parti oħra ma tressaq oppożizzjoni fi żmien terminu li jiġi stabbilit mir-Reġistratur wara l-preżentata tar-rikors.

Jekk, f'dan it-terminu, il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell jinfurmaw ir-Reġistratur bl-għażla tagħhom ta’ waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 35(1) bħala l-lingwa tal-kawża, din il-lingwa ssir il-lingwa tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fil-każ ta’ oppożizzjoni għall-għażla tal-lingwa tal-kawża mressqa mir-rikorrent fit-terminu msemmi fis-subparagrafu preċedenti, u fin-nuqqas ta’ ftehim fuq dan is-suġġett bejn il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell, il-lingwa li biha t-talba titressaq quddiem l-Uffiċċju ssir il-lingwa tal-kawża. Madankollu, jekk, fuq talba motivata ta’ waħda mill-partijiet u wara li jinstemgħu l-partijiet l-oħra, il-president jikkonstata li l-użu ta’ din il-lingwa ma tippermettix li l-partijiet kollha quddiem il-Bord ta’ l-Appell ikunu jistgħu jsegwu l-proċedura u li jkunu jistgħu jiddefendu ruħhom, u li l-użu ta’ lingwa oħra biss minn fost dawk imsemmija fl-Artikolu 35(1) tippermetti li tissewwa din is-sitwazzjoni, jista’ jinnomina din l-aħħar lingwa bħala l-lingwa ta’ proċedura; il-President jista’ jirreferi din il-kwistjoni lill-Qorti Ġenerali.

3.   Fis-sottomissjonijiet u d-dokumenti l-oħra bil-miktub indirizzati lill-Qorti Ġenerali kif ukoll waqt il-proċedura orali, il-parti rikorrenti tista’ tuża l-lingwa magħżula minnha konformement mal-paragrafu 1 u kull parti oħra tista’ tuża lingwa magħżula minnha minn fost il-lingwi msemmija fl-Artikolu 35(1).

4.   Jekk, bis-saħħa tal-paragrafu 2, lingwa oħra li mhijiex dik li biha ġie fformulat ir-rikors issir il-lingwa tal-kawża, ir-Reġistratur għandu jassigura li r-rikors jiġi tradott fil-lingwa tal-kawża.

Kull parti għandha, fi żmien terminu raġjonevoli stabbilit għal dan il-għan mir-reġistratur, jagħti traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża tas-sottomissjonijiet jew atti oħra barra mir-rikors ippreżentat minnha f'lingwa oħra barra mil-lingwa tal-kawża skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3. Il-preċiżjoni ta’ din it-traduzzjoni, li jkolla forza legali skond l-Artikolu 37, tkun trid tiġi ċċertifikata mill-parti li tippreżentaha. Jekk din it-traduzzjoni ma tiġix ippreżentata fit-terminu stabbilit, is-sottomissjoni jew l-att proċedurali in kwistjoni jiġi mneħħi mill-inkartament tal-kawża.

Ir-reġistratur għandu jassigura li kull ma jintqal fil-kors tal-proċedura orali jiġi tradott fil-lingwa tal-kawża u, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, fil-lingwa l-oħra li tkun qed tintuża skond il-paragrafu 3.

Artikolu 132

1.   Bla ħsara għall-Artikolu 44, ir-rikors għandu jkollu l-ismijiet tal-partijiet kollha fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell u l-indirizzi li dawn ikunu indikaw għall-fini tan-notifiki li għandhom isiru waqt dan il-proċediment.

Id-deċiżjoni kkontestata tal-Bord ta’ l-Appell għandha tiġi ppreżentata mat-talba. Għandha tiġi indikata d-data li fiha din id-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata lill-parti rikorrenti.

2.   Jekk it-talba ma tkunx konformi mal-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44(6) huma applikabbli.

Artikolu 133

1.   Ir-reġistratur għandu jinforma l-Uffiċċju u l-partijiet kollha fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell bil-preżentata tat-talba. Huwa għandu jinnotifika t-talba wara li tiġi stabbilita l-lingwa tal-kawża skond l-Artikolu 131(2).

2.   It-talba tiġi nnotifikata lill-Uffiċċju bħala l-parti konvenuta kif ukoll lill-partijiet l-oħra, ħlief il-parti rikorrenti. Din in-notifika ssir fil-lingwa tal-kawża.

In-notifika tat-talba lill-parti fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-appell issir bil-posta reġistrata, b'irċevuta, fl-indirizz indikat mill-parti kkonċernata għall-fini tan-notifki li għandhom isiru waqt dan il-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

3.   Kif issir in-notifika tat-talba, l-Uffiċċju jibgħat l-inkartament tal-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell lill-Qorti Ġenerali.

Artikolu 134

1.   Il-partijiet fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell, ħlief il-parti rikorrenti, jistgħu jieħdu sehem fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti billi jirrispondu lir-rikors fil-forma u t-termini previsti.

2.   L-intervenjenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom l-istess drittijiet proċedurali bħall-partijiet fil-kawża prinċipali.

Huma jkunu jistgħu jsostnu l-konklużjonijiet ta’ parti fil-kawża prinċipali u jkunu jistgħu jifformulaw konklużjonijiet u argumenti bl-istess mod tal-partijiet fil-kawża prinċipali.

3.   Il-parti intervenjenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tista’, fis-sottomissjonijiet ta’ risposta li tippreżenta skond l-Artikolu 135(1), tifformula talbiet intiżi għall-annullament jew il-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell fuq kap li li ma jkunx tqajjem fit-talba u tippreżenta argumenti li ma jkunux tqajmu fit-talba.

Il-Qorti ma tkomplix tieħu konjizzjoni tat-talbiet jew argumenti fformulati fis-sottomissjonijiet b'risposta ta’ l-intervenjent fil-każ li r-rikorrent iċedi l-atti tal-kawża.

4.   B'deroga mill-Artikolu 122, il-proċedura fil-każ ta’ kontumaċja mhijiex applikabbli meta intervenjent imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkun ippreżenta risposta lit-talba fil-forma u fit-terminu preskritt.

Artikolu 135

1.   L-Uffiċċju u l-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell barra mir-rikorrent għandhom jippreżentaw sottomissjonijiet b'risposta għat-talba f'terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika tagħha.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46 huma applikabbli għas-sottomissjonijiet b'risposta.

2.   It-talba u s-sottomissjonijiet ta’ risposta jistgħu jiġu kkompletati b'sottomissjonijiet bħala replika u b'kontroreplika tal-partijiet, anki mill-partijiet intervenjenti msemmija fl-Artikolu 134(1), meta l-President, fuq talba motivata ppreżentata f'terminu ta’ ġimagħtejn li jibda jiddekorri min-notifika tas-sottomissjonijiet b'replika jew b'kontroreplika, jidhirlu li jkun neċessarju u jawtorizzahom sabiex jippermetti lill-parti kkonċernata tiddefendi l-perspettiva tagħha.

Il-President għandu jistabbilixxi t-terminu għall-preżentata tas-sottomissjonijiet.

3.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, fil-każ imsemmi fl-Artikolu 134(3), il-partijiet l-oħra jistgħu, f'terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri min-notifika tas-sottomissjonijiet b'risposta li tkun saretilhom, jippreżentaw sottomissjonijiet li jkollhom bħala għan dak li jirrispondu għall-konklużjonijiet u l-argumenti ppreżentati l-ewwel darba fis-sottomissjonijiet b'replika ta’ intervenjent. Dan it-terminu jista’ jiġi pprorogat mill-President fuq talba motivata tal-parti kkonċernata.

4.   Is-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

Artikolu 135a

Wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1), skond il-każ, fl-Artikolu 135(2) u (3), il-Qorti Ġenerali, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, wara li jinstemgħu l-Avukat Ġenerali u l-partijiet, tista’ tiddeċiedi li taqta’ fuq ir-rikors mingħajr fażi orali tal-proċedura, sakemm waħda mill-partijiet ma tippreżentax talba li fiha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tixtieq li tinstema’. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata f'terminu ta’ xahar li jiddekorri min-notifika lill-parti ta’ l-egħluq tal-proċedura bil-miktub. Dan it-terminu jista’ jiġi pprorogat mill-President.

Artikolu 136

1.   Meta rikors kontra deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell jiġi milqugħ, il-Qorti Ġenerali tista’ tordna li l-Uffiċċju jħallas l-ispejjeż tiegħu biss.

2.   L-ispejjeż indispensabbli indikati mill-partijiet għall-fini tal-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell kif ukoll l-ispejjez indikati sabiex isiru t-traduzzjonijiet tas-sottomissjonijiet jew dokumenti bil-miktub, kif previst mit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 131(4), fil-lingwa tal-kawża, għandhom jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru.

Fil-każ li x-xogħol ta’ traduzzjoni ma jkunx preċiż, it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(3) huwa applikabbli.

IL-ĦAMES TITOLU

FUQ L-APPELLI KONTRA D-DEĊIŻJONIJIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA’ L-UNJONI EWROPEA

Artikolu 136a

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 35(2)(b) u (ċ) u tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 35(3) ta’ dawn ir-Regoli, fil-każ ta’ appell mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku skond l-Artikoli 9 u 10 ta’ l-Anness ta’ l-Istatut, il-lingwa tal-kawża hija dik tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tkun qiegħda tiġi appellata.

Artikolu 137

1.   L-appell għandu jsir permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2.   Ir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jibgħat immedjatament il-proċess tal-kawża fl-ewwel istanza u, jekk ikun il-każ, ir-rikors ta’ l-appell, lir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 138

1.   Ir-rikors ta’ l-appell għandu jinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tagħmel l-appell, imsejħa l-parti rikorrenti;

(b)

l-ismijiet tal-partijiet l-oħra fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

(ċ)

il-motivi u l-argumenti ta’ dritt invokati;

(d)

it-talbiet tal-parti rikorrenti.

L-Artikolu 43 u l-Artikolu 44(2) u (3) huma applikabbli għall-appell.

2.   Id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li hija s-suġġett ta’ l-appell għandha tiġi annessa mar-rikors ta’ l-appell. Għandha ssir referenza għad-data li fiha d-deċiżjoni appellata ġiet innotifikata lill-parti rikorrenti.

3.   Jekk l-appell ma jsirx skond l-Artikolu 44(3) jew skond it-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu, għandu jkun applikabbli l-Artikolu 44(6) ta’ dawn ir-regoli.

Artikolu 139

1.   It-talbiet ta’ l-appell għandhom ikunu intiżi:

(a)

għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

(b)

li jintlaqgħu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida.

2.   L-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kontestazzjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 140

L-appell għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet kollha fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. L-Artikolu 45 huwa applikabbli.

Artikolu 141

1.   Kull parti fil-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tista’ tippreżenta risposta fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ l-appell. Dan it-terminu għar-risposta ma jistax jiġi pprorogat.

2.   Ir-risposta għandha tinkludi:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-parti li tippreżentaha;

(b)

id-data li fiha l-appell ġie nnotifikat lil din il-parti;

(ċ)

il-motivi u l-argumenti ta’ dritt invokati;

(d)

it-talbiet.

L-Artikolu 43 u l-Artikolu 44(2) u (3) huma applikabbli.

Artikolu 142

1.   It-talbiet fir-risposta għandhom ikunu intiżi:

(a)

għaċ-ċaħda, totali jew parzjali, ta’ l-appell, jew l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

(b)

li jintlaqgħu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida.

2.   Ir-risposta ta’ l-appell ma tistax tbiddel is-suġġett tal-kontestazzjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 143

1.   L-appell u r-risposta ta’ l-appell jistgħu jiġu kkompletati b'replika u b'kontroreplika meta l-President, wara li tiġi ppreżentata talba f'dan is-sens mir-rikorrent fi żmien sebat ijiem mid-data tan-notifika tar-risposta, jidhirlu li dan huwa neċessarju u jawtorizza espressament il-preżentata tar-replika sabiex jippermetti lir-rikorrent jiddefendi l-perspettiva tiegħu jew sabiex huwa jkun jista’ jipprepara d-deċiżjoni dwar l-appell. Il-President għandu jiffissa d-data li fiha r-replika għandha tiġi ppreżentata u, man-notifika ta’ tali replika, id-data li fiha l-kontroreplika għandha tiġi ppreżentata.

2.   Meta l-għan tat-talbiet f'risposta ta’ l-appell ikun l-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fuq punt li ma tqajjimx fl-appell, ir-rikorrent jew kull parti oħra jistgħu jippreżentaw replika fuq dan il-punt biss, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tar-risposta kkonċernata. Il-paragrafu 1 huwa applikabbli għas-sottomissjonijiet komplementari kollha li jiġu ppreżentati wara din ir-replika.

Artikolu 144

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet li ġejjin, l-Artikolu 48(2), l-Artikoli 49, 50 u 51(1), l-Artikoli 52, 55 sa 64, 76a sa 110, l-Artikolu 115(2) u (3) u l-Artikoli 116, 123 sa 127 u 129 huma applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali fil-każ ta’ appell mid-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 145

Meta l-appell, kollu jew parti minnu, ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat, il-Qorti Ġenerali tista’, f'kull waqt, fuq ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tiċħad l-appell kollu jew parti minnu permezz ta’ digriet motivat.

Artikolu 146

Wara l-preżentata tad-dokumenti previsti mill-Artikolu 141(1) u, jekk ikun il-każ, mill-Artikolu 143(1) u (2), il-Qorti Ġenerali tista’, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur u wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali u lill-partijiet, tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni dwar l-appell mingħajr ma tgħaddi għall-fażi orali tal-proċedura, ħlief jekk waħda mill-partijiet tippreżenta talba li fiha tindika r-raġunijiet li għalihom hija tixtieq li tinstema’. Din it-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien xahar mid-data li fiha din il-parti tkun ġiet innotifikata bl-għeluq tal-proċedura bil-miktub. Dan it-terminu jista’ jiġi pprorogat mill-President.

Artikolu 147

Ir-rapport preliminari previst mill-Artikolu 52 għandu jiġi ppreżentat lill-Qorti Ġenerali wara l-preżentata tad-dokumenti previsti mill-Artikolu 141(1) u, jekk ikun il-każ, mill-Artikolu 143(1) u (2). Meta dawn id-dokumenti ma jiġux ippreżentati, għandha tkun applikabbli l-istess proċedura hekk kif jiskadi t-terminu previst għall-preżentata tagħhom.

Artikolu 148

Il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi dwar l-ispejjeż meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u hija stess taqta’ l-kontestazzjoni.

L-Artikolu 88 huwa applikabbli biss għall-appelli magħmula mill-istituzzjonijiet.

B'deroga mill-Artikolu 87(2), fl-appelli magħmula mill-uffiċjali jew minn aġenti oħra ta’ xi istituzzjoni, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż bejn il-partijiet, fl-interess ta’ l-ekwità.

Fil-każ li l-appell jiġi rtirat għandu jkun applikabbli l-Artikolu 87(5).

Artikolu 149

Rikors għal intervent ippreżentat lill-Qorti Ġenerali fil-każ ta’ appell għandu jiġi ppreżentat qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ xahar mill-pubblikazzjoni prevista mill-Artikolu 24(6).

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 150

Il-Qorti Ġenerali tista’ toħroġ istruzzjonijiet prattiċi, b'mod partikolari, dwar il-preparazzjoni u l-iżvolġiment tas-seduti quddiemha kif ukoll il-preżentata tas-sottomissjonijiet jew ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub.

Artikolu 151

Dawn ir-Regoli, li huma awtentiċi fil-lingwi msemmija fl-Artikolu 35(1), għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-pubblikazzjoni tagħhom.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 6, p. 32, emendat fil-15 ta’ Settembru 1994 (ĠU L 249, 24.9.1994, p. 17), fis-17 ta’ Frar 1995 (ĠU L 44, 28.2.1995, p. 64), fis-6 ta’ Lulju 1995 (ĠU L 172, 22.7.1995, p. 3), fit-12 ta’ Marzu 1997 (ĠU L 103, 19.4.1997, p. 6, u ĠU L 351, 23.12.1997, p. 72 – rettifika), fis-17 ta’ Mejju 1999 (ĠU L 135, 29.5.1999, p. 92), fis-6 ta’ Diċembru 2000 (ĠU L 322, 19.12.2000, p. 4), fil-21 ta’ Mejju 2003 (ĠU L 147, 14.6.2003, p. 22), fid-19 ta’ Aprille 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Mallti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 83), fil-21 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 81), fit-12 ta’ Ottubru 2005 (ĠU L 298, 15.11.2005, p. 1), fit-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 386, 29.12.2006, p. 45, L 200M, 29.12.2006, p. 593), fit-12 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 179, 8.7.2008, p. 12), fl-14 ta’ Jannar 2009 (ĠU L 24, 28.1.2009, p. 9), fis-16 ta’ Frar 2009 (ĠU L 60, 4.3.2009, p. 3), fis-7 ta’ Lulju 2009 (ĠU L 184, 16.7.2009, p. 10) u fis-26 ta’ Marzu 2010 (ĠU L 92, 13.4.2010, p. 14).


2.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/71


TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA' L-UNJONI EWROPEA

VERŻJONI KONSOLIDATA TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA' L-UNJONI EWROPEA

(2010/C 177/03)

Din il-verżjoni tikkonsolida:

ir-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea tal-25 ta' Lulju 2007 (ĠU L 225, 29.8.2007, p. 1, b'rettifika fil-ĠU L 69, 13.3.2008, p. 37) u l-emendi li jirriżultaw mill-atti segwenti:

1.

Emenda tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea ta' l-14 ta' Jannar 2009 (ĠU L 24, 28.01.2009), p. 10),

2.

Emendi tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea tas-17 ta' Marzu 2010 (ĠU L 92, 13.4.2010, p. 17).

Din il-verżjoni ma għandha ebda forza legali. Għalhekk il-preambolu u l-premessi mhumiex inklużi.

 


VERŻJONI KONSOLIDATA TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA’ L-UNJONI EWROPEA

tal-25 ta’ Lulju 2007  (1)

DISPOŻIZZJONI PRELIMINARI

Artikolu 1

Tifsiriet

1.   Fid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli:

id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea huma indikati bin-numru ta’ l-artikolu kkonċernat ta’ dan it-Trattat, segwit mill-akronimu “TFUE”;

id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Enerġija Atomika huma indikati bin-numru ta’ l-artikolu segwit mill-akronimu “TKEEA”;

il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea huwa msejjaħ “Statut”;,

ir-Regolament li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra ta’ l-Unjoni Ewropea huwa msejjaħ ir-“Regolamenti tal-Persunal”;

2.   Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regoli:

“Tribunal” tfisser it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea jew, fil-każ ta’ ta’ kawżi ttrattati minn Awla jew minn Imħallef uniku, din l-Awla jew dan l-Imħallef;

“President tat-Tribunal” tfisser esklużivament il-President tat-Tribunal, filwaqt li “President” tfisser il-president tal-kulleġġ ġudikanti;

il-kliem “istituzzjoni” jew “istituzzjonijiet” ifissru l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni, kif ukoll il-korpi jew l-organi maħluqa mit-Trattati jew minn att adottat in eżekuzzjoni tagħhom u li jistgħu jidhru quddiem it-Tribunal.

L-EWWEL TITOLU

FUQ L-ORGANIZZAZZJONI TAT-TRIBUNAL

L-Ewwel Kapitolu

FUQ IL-PRESIDENZA U L-MEMBRI TAT-TRIBUNAL

Artikolu 2

Terminu tal-kariga ta’ l-Imħallfin

1.   Il-terminu tal-kariga ta’ Mħallef jibda jiddekorri mid-data stabbilita għal dan l-għan fl-att tal-ħatra.

2.   Jekk l-att tal-ħatra ma jistabbilixxix data, it-terminu għandu jibda jiddekorri mid-data ta’ dan l-att.

Artikolu 3

Teħid tal-ġurament

1.   Qabel ma jibdew jaqdu d-dmirijiet tal-kariga tagħhom, l-Imħallfin jieħdu l-ġurament li ġej quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“Jiena naħlef li naqdi d-dmirijiet tiegħi b’imparzjalità sħiħa u skond il-kuxjenza; jiena naħlef li nżomm sigrieti d-deliberazzjonijiet tal-Qorti.”

2.   Minnufih wara li jieħdu l-ġurament, l-Imħallfin jiffirmaw dikjarazzjoni li biha jintrabtu solennement li jirrispettaw, matul il-perijodu tal-kariga tagħhom u wara t-tmiem tagħha, l-obbligi li joħorġu minnha, b’mod partikolari l-obbligi ta’ onestà u ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-aċċettazzjoni, wara t-tmiem ta’ din il-kariga, ta’ ċerti ħatriet u ta’ ċerti benefiċċji.

Artikolu 4

Revoka mill-kariga u skwalifika ta’ Mħallef

1.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi mitluba, wara li tikkonsulta mat-Tribunal, tiddeċiedi jekk Imħallef għadux jissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa jew jekk għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu, il-President tat-Tribunal għandu jistieden lill-Imħallef ikkonċernat jidher in camera sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur.

2.   L-opinjoni tat-Tribunal għandha tkun motivata.

3.   L-opinjoni li tikkonstata li Mħallef m’għadux jissodisfa r-rekwiżiti meħtiega jew li m’għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu, għandha tkun sostnuta ta’ l-anqas mill-maġġoranza tal-voti ta’ l-Imħallfin tat-Tribunal. F’dan il-każ, id-distribuzzjoni tal-voti tiġi kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   Il-vot ikun sigriet u l-Imħallef ikkonċernat ma jiħux sehem fid-deliberazzjoni.

Artikolu 5

Ordni tal-preċedenza

1.   Bl-eċċezzjoni tal-President tat-Tribunal u tal-Presidenti ta’ l-Awli, l-ordni tal-preċedenza fost l-Imħallfin hija stabbilita, mingħajr distinzjoni, skond l-anzjanità tagħhom fil-kariga.

2.   Fil-każ li jkun hemm l-istess anzjanità fil-kariga, il-preċedenza għandha tkun stabbilita skond l-età.

3.   Dawk l-Imħallfin li, fi tmiem il-kariga tagħhom, jerġgħu jiġu maħtura jżommu l-preċedenza li kellhom qabel.

Artikolu 6

Elezzjoni tal-President tat-Tribunal

1.   Skond l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut, l-Imħallfin għandhom jeleġġu wieħed minn fosthom bħala l-President tat-Tribunal għal terminu ta’ tliet snin. Dan it-terminu jista’ jiġġedded.

2.   Fil-każ li l-mandat tal-President tat-Tribunal jintemm qabel ma jiskadi t-terminu normali tal-kariga tiegħu, huwa għandu jiġi ssostitwit għall-perijodu li jkun fadal.

3.   Fl-elezzjonijiet imsemmijin f’dan l-Artikolu, il-votazzjoni ssir b’vot sigriet. Jiġi elett l-Imħallef li jikseb il-voti ta’ aktar minn nofs l-Imħallfin li jkun hemm fit-Tribunal. Jekk l-ebda Imħallef ma jikseb din il-maġġoranza, isiru votazzjonijiet oħrajn sakemm din tinkiseb.

4.   L-isem tal-President tat-Tribunal elett għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Setgħat tal-President tat-Tribunal

1.   Il-President tat-Tribunal imexxi l-attivitajiet u d-dipartimenti tat-Tribunal.

2.   Huwa jippresjedi s-seduti u d-deliberazzjonijiet in camera:

tas-seduta plenarja;

ta’ l-Awla b’ħames Imħallfin;

ta’ kull Awla bi tliet Imħallfin li huwa jagħmel parti minnha.

Artikolu 8

Sostituzzjoni tal-President tat-Tribunal

Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment tal-President tat-Tribunal jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti, il-funzjonijiet ta’ din il-kariga għandhom jitwettqu skond l-ordni stabbilita mill-Artikolu 5.

It-Tieni Kapitolu

FUQ IL-KULLEĠĠI ĠUDIKANTI

Artikolu 9

Kulleġġi ġudikanti

It-Tribunal għandu jiddeċiedi f’Seduta Plenarja, f’Awla b’ħames Imħallfin, f’Awli bi tliet Imħallfin jew permezz ta’ Mħallef uniku skond l-Artikolu 4(2) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut.

Artikolu 10

Kostituzzjoni ta’ l-Awli

1.   It-Tribunal għandu jikkostitwixxi Awli bi tliet Imħallfin. Huwa jista’ jikkostitwixxi Awla b’ħames Imħallfin.

2.   It-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar l-assenjazzjoni ta’ l-Imħallfin lill-Awli. Jekk in-numru ta’ Mħallfin assenjati lil Awla jkun akbar min-numru ta’ Mħallfin li jikkostitwixxuha, huwa għandu jiddeċiedi dwar il-metodu ta’ kif għandhom jiġu nnominati l-Imħallfin li jipparteċipaw fil-kulleġġ ġudikanti.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda skond dan l-Artikolu għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 11

Presidenti ta’ l-Awli

1.   Skond l-Artikolu 4(3) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut, l-Imħallfin jeleġġu minn fosthom, għal tliet snin, il-Presidenti ta’ l-Awli bi tliet Imħallfin. L-elezzjoni ssir skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(3). Il-mandat tagħhom jista’ jiġġedded.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) u (4) huma applikabbli.

3.   Il-Presidenti ta’ l-Awli jmexxu x-xogħol ta’ l-Awla tagħhom u jippresjedu s-seduti u d-deliberazzjonijiet tagħha.

4.   Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment tal-President ta’ Awla jew fil-każ li l-presidenza tkun vakanti, l-Awla tiġi ppresjeduta minn membru tagħha skond l-ordni tal-preċedenza stabbilita skond l-Artikolu

5.   Jekk il-President tat-Tribunal ikollu, eċċezzjonalment, jikkompleta l-kulleġġ ġudikanti, huwa jippresjedih.

Artikolu 12

Kulleġġ ġudikanti ordinarju – Assenjazzjoni tal-kawżi lill-Awli

1.   Bla ħsara għall-Artikoli 13 u 14, it-Tribunal għandu jiltaqa’ f’Awli b’ħames Imħallfin.

2.   It-Tribunal għandu jistabbilixxi l-kriterji li jirregolaw it-tqassim tal-kawżi bejn l-Awli.

3.   Id-deċiżjoni prevista fil-paragrafu preċedenti għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

Rinviju ta’ kawża lis-Seduta Plenarja jew lill-Awla b’ħames Imħallfin

1.   Meta l-kumplessità tal-kwistjonijiet tad-dritt imqajma minn kawża, l-importanza tagħha jew ċirkustanzi partikolari jiġġustifikaw dan, kawża tista’ tintbagħat lis-Seduta Plenarja jew lill-Awla b’ħames Imħallfin.

2.   Id-deċiżjoni ta’ rinviju għandha tiġi adottata mit-Tribunal f’Seduta Plenarja, fuq proposta ta’ l-Awla li jkollha l-kawża quddiemha jew ta’ kwalunkwe membru tat-Tribunal. Hija tista’ tiġi adottata f’kull waqt.

Artikolu 14

Rinviju ta’ kawża lil Imħallef uniku

1.   Il-kawżi assenjati lil Awla bi tliet Imħallfin jistgħu jiġu deċiżi mill-Imħallef Relatur bħala Mħallef uniku meta jkun il-każ fid-dawl tan-nuqqas ta’ diffikultà fil-kwistjonijiet ta’ dritt jew ta’ fatt imressqa, ta’ l-importanza limitata tal-kawża u n-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari oħra.

Ir-rinviju lil Imħallef uniku ma jistax iseħħ fil-każ ta’ kawżi li jqajmu kwistjonijiet li jirrigwardaw il-legalità ta’ att ta’ interess ġenerali.

2.   Id-deċiżjoni ta’ rinviju għandha tittieħed unanimament, wara li jinstemgħu l-partijiet, mill-Awla li quddiemha tkun qed tinstema’ l-kawża. Hija tista’ tittieħed f’kull waqt matul il-proċedura.

3.   Fil-każ ta’ assenza jew impediment ta’ l-Imħallef uniku li lilu tkun ġiet assenjata kawża, il-President għandu jinnomina Mħallef ieħor sabiex jissostitwixxih.

4.   L-Imħallef uniku għandu jibgħat lura l-kawża quddiem l-Awla jekk jikkonstata li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux sodisfatti.

5.   Fil-kawżi li jidhru quddiem Imħallef uniku, is-setgħat tal-President għandhom jiġu eżerċitati minn dan l-Imħallef.

It-Tielet Kapitolu

FUQ IR-REĠISTRU U FUQ ID-DIPARTIMENTI

L-Ewwel Taqsima – Fuq ir-Reġistru

Artikolu 15

Ħatra tar-Reġistratur

1.   It-Tribunal għandu jaħtar ir-Reġistratur.

2.   Ġimagħtejn qabel id-data stabbilita għall-ħatra, il-President tat-Tribunal għandu jinforma lill-Imħallfin bl-applikazzjonijet li jkunu ġew ippreżentati.

3.   Il-ħatra għandha sseħħ skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 6(3).

4.   L-isem tar-Reġistratur elett għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

5.   Ir-Reġistratur jinħatar għal perijodu ta’ sitt snin. Huwa jista’ jerġa jiġi nnominat.

6.   Qabel ma jibda jaqdi d-dmirijiet tal-kariga tiegħu, ir-Reġistratur għandu jieħu l-ġurament previst fl-Artikolu 3.

Artikolu 16

Tmiem il-kariga tar-Reġistratur

1.   Ir-Reġistratur ma jistax jitneħħa mill-kariga tiegħu ħlief jekk m’għadx għandu r-rekwiżiti meħtieġa jew jekk m’għadux jirrispetta l-obbligi li joħorġu mill-kariga tiegħu; it-Tribunal għandu jieħu deċiżjoni wara li jkun ta lir-Reġistratur l-opportunità li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

2.   Jekk ir-Reġistratur jieqaf jeżerċita l-kariga qabel ma jiskadi t-terminu tal-mandat tiegħu, it-Tribunal għandu jaħtar Reġistratur ġdid għal perijodu ta’ sitt snin.

Artikolu 17

Assistent Reġistratur

It-Tribunal jista’ jaħtar, skond il-proċedura prevista għall-ħatra tar-Reġistratur, Assistent Reġistratur, inkarigat li jassisti r-Reġistratur u li jissostitwixxih fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-istruzzjonijiet lir-Reġistratur previsti fl-Artikolu 19(4).

Artikolu 18

Assenza jew impediment tar-Reġistratur

Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment tar-Reġistratur u, jekk ikun il-każ, ta’ l-Assistent Reġistratur jew fil-każ li l-kariga tagħhom tkun vakanti, il-President tat-Tribunal għandu jinnomina uffiċjali jew aġenti oħra sabiex iwettqu d-dmirijiet tar-Reġistratur.

Artikolu 19

Funzjonijiet tar-Reġistratur

1.   Ir-Reġistratur jassisti lit-Tribunal, lill-President tat-Tribunal u lill-Imħallfin fit-twettiq tal-kariga tagħhom. Huwa responsabbli, taħt l-awtorità tal-President tat-Tribunal, għall-organizzazzjoni u l-attivitajiet tar-Reġistru

2.   Ir-Reġistratur għandu l-kustodja tas-siġilli. Huwa responsabbli għall-arkivji u jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tat-Tribunal. Taħt l-awtorità tal-President tat-Tribunal, ir-Reġistratur huwa inkarigat li jirċievi, jittrażmetti u jħares id-dokumenti kollha, kif ukoll li jwettaq in-notifiki li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regoli.

3.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4, 16(1) u 27, ir-Reġistratur għandu jattendi għas-seduti tat-Tribunal.

4.   L-istruzzjonijiet lir-Reġistratur għandhom jiġu stabbiliti mit-Tribunal fuq proposta tal-President tat-Tribunal. Huma għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

Żamma tar-reġistru

1.   Għandu jinżamm fir-Reġistru, taħt ir-responsabbiltà tar-Reġistratur, reġistru li fih jiġu mniżżla l-atti kollha ta’ proċedura u d-dokumenti ppreżentati in sostenn tagħhom.

2.   Ir-regoli dwar kif għandu jinżamm ir-reġistru għandhom jiġu stabbiliti mill-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur previsti fl-Artikolu 19(4).

3.   Kull min ikollu interess iġġustifikat jista’ jikkonsulta r-reġistru u jikseb kopji jew estratti bi ħlas skond it-tariffi tar-Reġistru stabbiliti mit-Tribunal fuq proposta tar-Reġistratur.

4.   Barra minn dan, kull parti fil-kawża tista’ tikseb, bi ħlas skond it-tariffi tar-Reġistru, kopji ta’ l-atti tal-proċedura u kif ukoll kopji awtentikati tad-digrieti u tas-sentenzi.

5.   Ebda terza persuna, privata jew pubblika, ma jista’ jkollha aċċess għall-proċess tal-kawża jew għall-atti proċedurali mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa tal-President, wara li jinstemgħu il-partijiet. Din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss fuq talba bil-miktub flimkien ma’ ġustifikazzjoni dettaljata ta’ l-interess leġittimu li jiġi kkonsultat il-proċess.

It-Tieni Taqsima – Fuq id-Dipartimenti

Artikolu 21

Uffiċjali u Aġenti oħra

1.   L-uffiċjali u l-aġenti l-oħra inkarigati li jassistu direttament il-President tat-Tribunal, l-Imħallfin u r-Reġistratur għandhom jinħatru skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Huma jkunu responsabbli lejn ir-Reġistratur taħt l-awtorità tal-President.

2.   Huma għandhom jieħdu l-ġurament segwenti quddiem il-President tat-Tribunal u fil-preżenza tar-Reġistratur:

“Jiena naħlef li naqdi bil-lealtà, bid-diskrezzjoni u bil-kuxjenza kollha d-dmirijiet li jiġu fdati lili mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta’ l-Unjoni Ewropea”.

Artikolu 22

Amministrazzjoni u tmexxija finanzjarja tat-Tribunal

Ir-Reġistratur, flimkien mad-dipartimenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, u taħt l-awtorità tal-President tat-Tribunal, għandu jassigura l-amministrazzjoni, it-tmexxija finanzjarja u l-kontabbiltà tat-Tribunal.

Ir-Raba’ Kapitolu

FUQ IL-MOD KIF JAĦDEM IT-TRIBUNAL

Artikolu 23

Dati, ħinijiet u post tas-seduti tat-Tribunal

1.   Id-dati u l-ħinijiet tas-seduti tat-Tribunal jiġu stabbiliti mill-President.

2.   It-Tribunal jista’, għal waħda jew aktar seduti speċifiċi, jagħżel post differenti minn dak fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu.

Artikolu 24

Kworum

It-Tribunal jista’ jiltaqa’ validament biss jekk il-kworum segwenti jiġi rrispettat:

ħames Imħallfin għas-Seduta Plenarja;

tliet Imħallfin għall-Awla b’ħames Imħallfin u għall-Awli bi tliet Imħallfin.

Artikolu 25

Assenza jew impediment ta’ Mħallef

1.   Jekk, minħabba assenza jew impediment ta’ Mħallef, ma jintlaħaqx il-kworum, il-President għandu jiddifferixxi s-seduta sakemm l-assenza jew l-impediment jintemmu.

2.   Sabiex jintlaħaq il-kworum ta’ Awla, il-President jista’ wkoll, jekk dan ikun neċessarju fl-interessi tal-ġustizzja, jikkompleta l-kulleġġ ġudikanti b’Imħallef ieħor ta’ l-istess Awla jew, fin-nuqqas ta’ dan, jipproponi lill-President tat-Tribunal li jinnomina Mħallef ta’ Awla oħra. L-Imħallef sostitut jinħatar skond min ikun imissu fl-ordni stabbilita fl-Artikolu 5, bl-eċċezzjoni, safejn ikun possibbli, tal-President tat-Tribunal u tal-Presidenti ta’ l-Awli.

3.   Jekk il-kulleġġ ġudikanti jkun ikkompletat skond il-paragrafu preċedenti wara s-seduta, għandha tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali.

Artikolu 26

Assenza jew Impediment ta’ Mħallef ta’ Awla b’ħames Imħallfin qabel is-seduta

Jekk, fl-Awla b’ħames Imħallfin, Imħallef ikun assenti jew ikollu impediment qabel is-seduta, il-President tat-Tribunal għandu jinnomina Mħallef ieħor skond min imissu fl-ordni stabbilita mill-Artikolu 5. Jekk dan in-numru ta’ ħames Imħallfin ma jistax jerġa’ jintlaħaq, is-seduta tista’ xorta waħda tinżamm, sakemm il-kworum jintlaħaq.

Artikolu 27

Deliberazzjonijiet

1.   It-Tribunal jiddelibera in camera.

2.   L-Imħallfin li pparteċipaw fis-seduta biss għandhom jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet.

3.   Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 17 ta’ l-Istatut u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5 ta’ l-Anness I ta’ l-imsemmi Statut, it-Tribunal jista’ jiddelibera validament biss jekk ikun kompost bil-fard.

Jekk, fl-Awla b’ħames Imħallfin jew fis-Seduta Plenarja, in-numru ta’ Mħallfin, minħabba assenza jew impediment, ikun numru biż-żewġ, l-Imħallef li jkollu l-anqas grad għoli, skond l-ordni tal-preċedenza stabbilita bis-saħħa ta’ l-Artikolu 5, għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet sakemm ma jkunx l-Imħallef Relatur. F’dan l-aħħar każ, huwa l-Imħallef li jkollu l-grad eżattament qabel tiegħu li għandu jastjeni milli jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet.

4.   Kull wieħed mill-Imħallfin preżenti għad-deliberazzjoni għandu jagħti l-opinjoni tiegħu u r-raġunijiet għaliha.

Fuq talba ta’ Mħallef, kull punt jista’ jiġi fformulat fil-lingwa li jagħżel hu, u jiġi kkomunikat bil-miktub lit-Tribunal qabel ma jittieħed vot fuqu.

Il-konklużjonijiet adottati wara diskussjoni finali mill-maġġoranza ta’ l-Imħallfin għandhom jiddeterminaw id-deċiżjoni tat-Tribunal. Il-voti għandhom jingħataw bl-ordni invers mill-ordni tal-preċedenza stabbilita skond l-Artikolu 5.

It-Tribunal għandu jiddeċiedi fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar l-iskop, il-kliem li għandu jintuża fil-mistoqsijiet, l-ordni tal-mistoqsijiet, jew l-interpretazzjoni tal-vot.

5.   Meta d-deliberazzjonijiet tat-Tribunal jirrigwardaw punti amministrattivi, ir-Reġistratur għandu jkun preżenti, ħlief jekk it-Tribunal jiddeċiedi mod ieħor.

6.   Meta t-Tribunal jiltaqa’ mingħajr il-preżenza tar-Reġistratur, huwa għandu jinkariga lill-Imħallef li huwa l-anqas anzjan fis-sens ta’ l-Artikolu 5 sabiex iħejji, jekk ikun hemm bżonn, proċess verbal li għandu jiġi ffirmat mill-President u minn dan l-Imħallef.

Artikolu 28

Ferjat

1.   Bla ħsara għal deċiżjoni speċjali tat-Tribunal, il-ferjat huwa stabbilit kif ġej:

mit-18 ta’ Diċembru sa l-10 ta’ Jannar,

mill-Ħadd ta’ qabel l-Għid sat-tieni Ħadd ta’ wara l-Għid,

mill-15 ta’ Lulju sal-15 ta’ Settembru.

2.   Matul il-ferjat, il-funzjonijiet tal-presidenza tat-Tribunal jiġu eżerċitati fil-post fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu, jew mill-President tat-Tribunal innifsu, li jżomm kuntatt mar-Reġistratur, jew minn President ta’ Awla jew Imħallef ieħor li jiġi mitlub mill-President sabiex jissostitwih.

Il-President tat-Tribunal jista’, fil-każ ta’ urġenza, ilaqqa’ l-Imħallfin.

3.   It-Tribunal għandu josserva l-jiem ta’ vakanza legali tal-post fejn għandu s-sede tiegħu.

4.   It-Tribunal jista’, għal raġunijiet validi, jagħti lill-Imħallfin permess sabiex jieħdu l-leave.

Il-Ħames Kapitolu

FUQ IS-SISTEMA LINGWISTIKA

Artikolu 29

Sistema lingwistika

Bis-saħħa tas-sitt paragrafu ta’ l-Artikolu 257 TFUE, ta’ l-Artikolu 64 ta’ l-Istatut u ta’ l-Artikolu 7(2) ta’ l-Anness I ta’ l-imsemmi Statut, id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali dwar is-sistema lingwistika huma applikabbli għat-Tribunal.

Is-Sitt Kapitolu

FUQ ID-DRITTIJIET U L-OBBLIGI TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-PARTIJIET

Artikolu 30

Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet

1.   Ir-rappreżentanti tal-partijiet li jidhru quddiem it-Tribunal jew quddiem awtorità ġudizzjarja mqabbda minnu permezz ta’ ittra rogatorja, igawdu minn immunità għal dak li jintqal u li jinkiteb minnhom dwar il-kawża jew il-partijiet.

2.   Ir-rappreżentanti tal-partijiet igawdu mill-privileġġi u l-faċilitajiet li ġejjin:

a)

l-atti kollha u d-dokumenti li jirrigwardaw il-proċeduri huma eżenti mit-tfittxija u s-sekwestru. Fil-każ ta’ kontestazzjoni, l-uffiċjali tad-dwana jew tal-pulizija jistgħu jissiġillaw l-atti u d-dokumenti kkonċernati, li mbagħad jintbagħtu mingħajr dewmien lit-Tribunal sabiex jiġu spezzjonati fil-preżenza tar-Reġistratur u tal-parti interessata;

b)

ir-rappreżentanti tal-partijiet għandhom id-dritt li jkollhom dawk il-flus barranin neċessarji sabiex iwettqu l-inkarigu tagħhom;

ċ)

ir-rappreżentanti tal-partijiet għandhom id-dritt jivvjaġġaw mingħajr xkiel fejn ikun neċessarju għat-twettiq ta’ l-inkarigu tagħhom.

3.   Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 huma mogħtija esklużivament fl-interess tal-kawża.

4.   It-Tribunal jista’ jneħħi l-immunità meta jidhirlu li t-tneħħija tagħha ma tippreġudikax l-interessi tal-kawża.

Artikolu 31

Funzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet

Sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 30, il-persuni interessati għandhom jagħtu qabel kollox prova tal-funzjoni tagħhom:

a)

fil-każ ta’ l-aġenti, permezz ta’ dokument uffiċjali maħruġ mill-mandant tagħhom, li tiegħu għandu minnufih jibgħat kopja lir-Reġistratur;

b)

fil-każ tal-konsulenti u ta’ l-avukati, permezz ta’ dikjarazzjoni ffirmata mir-Reġistratur. Il-validità ta’ din id-dikjarazzjoni għandha tkun limitata għal terminu stabbilit; hija tista’ tiġi pprorogata jew imqassra skond it-tul tal-proċedura.

Artikolu 32

Esklużjoni mill-proċedura

1.   Jekk it-Tribunal iqis li rappreżentant ta’ parti jġib ruħu quddiem it-Tribunal, il-President, Imħallef jew ir-Reġistratur b’mod li jmur kontra d-dekor tat-Tribunal jew ir-rekwiżiti ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jew li dan ir-rappreżentant juża xi drittijiet li huwa għandu bis-saħħa tal-funzjoni tiegħu għal finijiet differenti minn dawk li għalihom ingħata dawn id-drittijiet, huwa għandu jinforma lill-persuna kkonċernata b’dan. It-Tribunal jista’ jinforma lill-awtoritajiet kompetenti li taħthom tkun taqa’ l-persuna kkonċernata b’dan; kopja ta’ l-ittra mibgħuta lil dawn l-awtoritajiet għandha tintbagħat lil dan ta’ l-aħħar.

Għall-istess raġunijiet, it-Tribunal jista’, f’kull ħin, jeskludi l-persuna kkonċernata mill-proċedura. Dan id-digriet ikollu effett immedjat.

2.   Jekk rappreżentant ta’ parti jiġi eskluż mill-patroċinju tal-kawża, il-proċedura tiġi sospiża sa ma jiskadi t-terminu ffissat mill-President sabiex il-parti interessata tkun tista’ tqabbad konsulent jew avukat ieħor.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jistgħu jiġu rrevokati.

IT-TIENI TITOLU

FUQ IL-PROĊEDURA

L-Ewwel Kapitolu

FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB

Artikolu 33

Punti ġenerali

1.   Il-proċedura bil-miktub tinkludi l-preżentata tar-rikors u tar-risposta, kif ukoll, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 41, il-preżentata ta’ replika u ta’ kontroreplika.

2.   Il-President għandu jistabbilixxi d-dati jew it-termini għall-preżentata ta’ l-atti tal-proċedura.

Artikolu 34

Preżentata ta’ atti tal-proċedura

1.   L-oriġinal ta’ kull att ta’ proċedura għandu jiġi ffirmat mir-rappreżentant tal-parti.

Dan l-att, flimkien ma’ l-annessi kollha li jkunu msemmija fih, għandu jiġi ppreżentat flimkien ma’ ħames kopji għat-Tribunal u kopja għal kull parti oħra fil-kawża. Dawn il-kopji għandhom ikunu awtentikati mill-parti li tippreżentahom.

2.   Barra minn dan, l-istituzzjonijiet għandhom jissottomettu, fit-termini stabbiliti mit-Tribunal, it-traduzzjonijiet ta’ l-atti tal-proċedura kollha għal-lingwi l-oħra msemmija fl-ewwel Artikolu tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1. L-aħħar subparagrafu ta’ l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu huwa applikabbli.

3.   Kull att tal-proċedura għandu jiġi ddatat. Għall-finijiet tat-termini tal-proċedura hija biss id-data tal-preżentata fir-Reġistru li għandha tiġi kkunsidrata.

4.   Ma’ kull att tal-proċedura għandu jiġi anness faxxiklu, li jiġbor fih l-atti u d-dokumenti ċċitati in sostenn ta’ l-att flimkien ma’ nota li telenka l-istess atti u dokumenti.

5.   Jekk, minħabba t-tul ta’ att jew ta’ dokument, jiġu annessi biss estratti ma’ l-att tal-proċedura, l-att jew id-dokument kollu jew kopja sħiħa tiegħu għandha tiġi ddepożitata fir-Reġistru.

6.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4, id-data li fiha kopja ta’ l-oriġinal iffirmat ta’ att tal-proċedura – inkluża n-nota li telenka l-atti u d-dokumenti prevista mill-paragrafu 4 – tasal fir-Reġistru permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni użat mit-Tribunal, għandha tiġi meħuda in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-osservanza tat-termini tal-proċedura, sakemm l-oriġinal ta’ l-att iffirmat, flimkien ma’ l-annessi u l-kopji previsti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, jiġi ppreżentat fir-Reġistru mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara. L-Artikolu 100(3) mhuwiex applikabbli għal dan it-terminu ta’ għaxart ijiem.

7.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u tal-paragrafi 2 sa 4, it-Tribunal jista’, b’deċiżjoni, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom att ta’ proċedura trażmess lir-Reġistratur b’mezz elettroniku jitqies li huwa l-oriġinal ta’ dan l-att. Din id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35

Rikors

1.   Ir-rikors previst fl-Artikolu 21 ta’ l-Istatut għandu jinkludi:

a)

l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

b)

f’liema kwalità aġixxa min iffirmah u l-indirizz tiegħu;

ċ)

id-dettalji tal-parti li kontriha huwa indirizzat ir-rikors;

d)

is-suġġett tal-kawża u t-talbiet tar-rikorrent;

e)

ir-raġunijiet u l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt imressqa;

f)

jekk ikun il-każ, in-natura tal-provi li jkunu ser jitressqu.

2.   Mar-rikors għandhom jiġu annessi, jekk ikun il-każ:

a)

l-att li tiegħu qiegħed jintalab l-annullament;

b)

l-ilment skond l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll id-deċiżjoni li biha ngħatat risposta għall-ilment b’indikazzjoni tad-dati tal-preżentata u tan-notifika.

3.   Għall-finijiet tal-proċedura, ir-rikors għandu jinkludi:

indikazzjoni ta’ indirizz għan-notifika fil-post fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu, bl-isem tal-persuna li ġiet awtorizzata tirċievi n-notifiki kollha; jew

indikazzjoni ta’ kull mezz tekniku ta’ komunikazzjoni ieħor li għandu t-Tribunal, li bih ir-rappreżentant tar-rikorrent jaċċetta li jirċievi n-notifiki kollha; jew ukoll

iż-żewġ modi ta’ trażmissjoni ta’ notifiki hawn fuq imsemmija.

4.   Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, in-notifiki kollha, għal finijiet tal-proċedura, għandhom isiru lill-parti kkonċernata permezz ta’ posta rreġistrata indirizzata lir-rappreżentant tal-parti sakemm dan in-nuqqas ma jkunux ġie rregolarizzat. B’deroga għall-Artikolu 99(1) in-notifika għandha titqies li tkun seħħet debitament bid-depożitu ta’ l-ittra rreġistrata fl-uffiċċju postali tal-post fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu.

5.   L-avukat tar-rikorrent għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea.

Artikolu 36

Regolarizzazzjoni

Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 35(1)(a), (b) u (c), (2) jew (5), ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi terminu raġjonevoli sabiex ir-rikorrent jirregolarizza r-rikors tiegħu. Fin-nuqqas ta’ din ir-regolarizzazzjoni fit-terminu mogħti, it-Tribunal għandu jiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.

Artikolu 37

Notifika tar-rikors u avviż fil-Ġurnal Uffiċjali

1.   Ir-rikors għandu jiġi nnotifikat lill-konvenut. Fil-każijiet previsti fl-Artikolu 36, in-notifika ssir malli r-rikors jiġi rregolarizzat jew, fin-nuqqas ta’ dan, malli t-Tribunal ikun laqa’ l-ammissibbilità.

2.   Għandu jiġi ppubblikat avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea li juri d-data tal-preżentata tar-rikors, il-partijiet, is-suġġett u d-deskrizzjoni tal-kawża u t-talbiet tar-rikors.

Artikolu 38

Assenjazzjoni inizjali ta’ kawża lil kulleġġ ġudikanti

Meta jiġi ppreżentat rikors, il-President tat-Tribunal jassenja l-kawża lil Awla bi tliet Imħallfin skond il-kriterji msemmija fl-Artikolu 12(2).

Għal kull kawża li tiġi assenjata, il-President ta’ din l-Awla għandu jipproponi lill-President tat-Tribunal in-nomina ta’ Imħallef Relatur; Il-President tat-Tribunal għandu jiddeċiedi.

Artikolu 39

Risposta

1.   Fi żmien xahrejn min-notifika tar-rikors, il-konvenut għandu jippreżenta risposta. Din ir-risposta għandha tinkludi:

a)

l-isem u l-indirizz tal-konvenut;

b)

f’liema kwalità aġixxa min iffirma u l-indirizz tiegħu;

ċ)

it-talbiet tal-konvenut;

d)

ir-raġunijiet u l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt imressqa;

e)

jekk ikun il-każ, in-natura tal-provi li jkunu ser jitressqu.

L-Artikolu 35(3) u (4) huwa applikabbli.

L-avukat li jassisti lill-konvenut għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea

2.   It-terminu previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi pprorogat mill-President fuq talba motivata tal-konvenut.

Artikolu 40

Trażmissjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea

Meta l-Kunsill jew il-Kummissjoni Ewropea ma jkunux parti fil-kawża, it-Tribunal għandu jibgħatilhom kopja tar-rikors u tar-risposta, mingħajr l-annessi għal dawn id-dokumenti, sabiex ikunu jistgħu jikkonstataw jekk tkunx qiegħda tiġi invokata l-inapplikabbiltà ta’ xi att li kien ġie adottat minnhom skond l-Artikolu 277 TFUE.

Artikolu 41

Skambju ieħor ta’ atti bil-miktub

Skond l-Artikolu 7(3) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut, it-Tribunal jista’ jiddeċiedi, ex officio jew fuq talba motivata tar-rikorrent, li huwa meħtieġ skambju ieħor ta’ atti bil-miktub sabiex jiġi kkompletat il-proċess.

Artikolu 42

Preżentazzjoni ta’ provi ġodda

Il-partijiet jistgħu jippreżentaw provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom sa tmiem is-seduta, sakemm jiġġustifikaw debitament għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard.

Artikolu 43

Raġunijiet ġodda

1.   Wara l-ewwel skambju ta’ atti bil-miktub, il-partijiet jistgħu jippreżentaw raġunijiet ġodda biss jekk dawn ir-raġunijiet ikunu bbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura.

2.   Jekk, waqt il-proċedura, xi parti tressaq raġuni ġdida, il-President jista’, wara li jkunu skadew it-termini normali tal-proċedura, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, jagħti lill-parti l-oħra terminu sabiex twieġeb għal din ir-raġuni.

Id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tar-raġuni għandha tibqa’ rriżervata għas-sentenza finali.

Artikolu 44

Dokumenti u atti – Kunfidenzjalità – Anonimat

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 109(5), it-Tribunal għandu jieħu in kunsiderazzjoni biss dawk id-dokumenti u atti li r-rappreżentanti tal-partijiet ikunu setgħu jikkonsultaw u li fuqhom ikunu setgħu jesprimu ruħhom.

2.   Meta t-Tribunal jintalab jivverifika n-natura kunfidenzjali, fir-rigward ta’ parti waħda. jew diversi partijiet, ta’ dokument li jista’ jkun rilevanti sabiex tinqata’ kontroversja, dan id-dokument ma jingħatax lill-partijiet qabel ma tintemm din il-verifika. It-Tribunal jista’ jitlob il-preżentata ta’ l-imsemmi dokument permezz ta’ digriet.

3.   Meta dokument, li l-aċċess għalih ikun ġie miċħud minn istituzzjoni, jitressaq quddiem it-Tribunal fil-kuntest ta’ rikors li jirrigwarda l-legalità ta’ din iċ-ċaħda, dan id-dokument ma jingħatax lill-partijiet l-oħra.

4.   Fuq talba motivata jew ex officio, it-Tribunal jista’ jħalli barra isem ir-rikorrent jew l-ismijiet ta’ persuni oħra li huma ċċitati fil-proċedura, jew ukoll xi informazzjoni fil-pubblikazzjonijiet dwar il-kawża, jekk ikun hemm raġunijiet leġittimi li jiġġustifikaw li l-identità ta’ persuna jew il-kontenut ta’ din l-informazzjoni jinżammu kunfidenzjali.

Artikolu 45

Rapport preliminari

1.   Wara l-aħħar skambju ta’ atti bil-miktub tal-partijiet, il-President għandu jistabbilixxi d-data li fiha l-Imħallef Relatur għandu jippreżenta r-rapport preliminari tiegħu lit-Tribunal.

2.   Ir-rapport preliminari għandu jinkludi proposti dwar jekk il-kawża teħtieġx miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew miżuri istruttorji, dwar il-possibbiltajiet ta’ ftehim bonarju dwar il-kontroversja, kif ukoll dwar ir-rinviju eventwali tal-kawża lis-Seduta Plenarja, lill-Awla b’ħames Imħallfin jew lill-Imħallef Relatur li jaqta’ l-kawża bħala Mħallef uniku.

3.   It-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar il-provvedimenti li għandhom jittieħdu fuq il-proposti ta’ l-Imħallef Relatur.

Artikolu 46

Konnessjoni bejn il-kawżi – Kawżi li jingħaqdu

1.   Fl-interess ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-President jista’, f’kull waqt, wara li jkun sema’ lill-partijiet, għal raġunijiet ta’ konnessjoni tal-kawżi, jordna, permezz ta’ digriet, li tali kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub jew orali jew għall-finijiet tas-sentenza finali. Il-President jista’ jifridhom mill-ġdid. Il-President jista’ jirreferi dawn il-kwistjonijiet lit-Tribunal.

2.   Meta kawżi, li jistgħu jiġu magħquda minħabba li hemm konnessjoni bejniethom, ikunu assenjati lil kulleġġi ġudikanti differenti, il-President tat-Tribunal għandu jiddeċiedi fuq l-assenjazzjoni mill-ġdid tagħhom.

3.   Ir-rappreżentanti tal-partijiet fil-kawżi magħquda jistgħu jikkonsultaw l-atti tal-proċedura nnotifikati lill-partijiet fil-kawżi l-oħra kkonċernati fir-Reġistru. Madankollu, il-President jista’, fuq talba ta’ parti u bla ħsara għall-Artikolu 45 (1) u (2), jeskludi atti sigrieti jew kunfidenzjali minn din il-konsultazzjoni.

Artikolu 47

Ordni tas-smigħ tal-kawżi

1.   It-Tribunal jisma’ l-kawżi li jkollu quddiemu skond l-ordni ta’ kif jinsabu.

2.   Il-President jista’, minħabba ċirkustanzi partikolari, jiddeċiedi li tingħata prijorità lil kawża fuq l-oħrajn.

3.   Wara li jisma’ l-partijiet, il-President jista’, ex officio jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, minħabba ċirkustanzi partikolari, b’mod partikolari sabiex jiffaċilita ftehim bonarju dwar il-kontroversja, jiddeċiedi li l-kawża tiġi ddifferita.

It-Tieni Kapitolu

FUQ IL-PROĊEDURA ORALI

Artikolu 48

Żamma tas-seduta

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari ta’ dawn ir-Regoli li jippermettu lit-Tribunal jiddeċiedi b’digriet, u għall-pargarafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-proċedura quddiem it-Tribunal tinkludi seduta.

2.   Meta jkun hemm skambju ieħor ta’ atti bil-miktub u t-Tribunal iqis li ż-żamma ta’ seduta mhijiex neċessarja, huwa jista’ jiddeċiedi, bil-kunsens tal-partijiet, li jaqta’ l-kawża mingħajr ma tinżamm seduta.

Artikolu 49

Data tas-seduta

Id-data tas-seduta tiġi stabbilita mill-President.

Artikolu 50

Assenza tal-partijiet fis-seduta

Ir-rappreżentanti tal-partijiet, debitament mistiedna għas-seduta, għandhom jinformaw lir-Reġistru, fi żmien xieraq, jekk ma jixtiqux jipparteċipaw fiha.

Meta r-rappreżentanti tal-partijiet kollha jkunu indikaw li ma jkunux ser jipparteċipaw fis-seduta, it-Tribunal jista’ jiddeċiedi li l-proċedura orali tingħalaq.

Artikolu 51

Seduta

1.   Il-President għandu jiftaħ u jmexxi t-trattazzjoni tal-kawża u huwa responsabbli għall-bon ordni waqt is-seduta.

2.   Id-deċiżjoni li kawża tinstema’ in camera ġġib magħha l-projbizzjoni li tiġi ppubblikata t-trattazzjoni.

3.   Il-partijiet jistgħu jindirizzaw ruħhom lit-Tribunal permezz tar-rappreżentant tagħhom biss.

4.   Il-President u kull Imħallef jistgħu, matul it-trattazzjoni:

a)

jagħmel xi mistoqsijiet lir-rappreżentanti tal-partijiet;

b)

jistieden lill-partijiet stess jesprimu ruħhom fuq xi aspetti tal-kontroversja.

Artikolu 52

Għeluq il-proċedura orali

1.   Il-President jiddikjara l-għeluq tal-proċedura orali fl-aħħar tat-trattazzjoni.

2.   It-Tribunal jista’ jordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Artikolu 53

Proċess verbal tas-seduta

1.   Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal għal kull seduta. Dan il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President u mir-Reġistratur. Huwa jikkostitwixxi att awtentiku.

2.   Il-partijiet jistgħu jikkonsultaw il-proċessi verbali kollha fir-Reġistru, u jistgħu jiksbu kopja taħt ħlas.

It-Tielet Kapitolu

FUQ IL-MIŻURI TA’ ORGANIZZAZZJONI TAL-PROĊEDURA U FUQ IL-MIŻURI ISTRUTTORJI

Artikolu 54

Punti ġenerali

1.   Il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji huma intiżi biex jiżguraw, fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli, il-preparazzjoni tal-kawżi, l-izvolġiment tal-proċedimenti u s-soluzzjoni tal-kontroversji.

Huma jistgħu jiġu adottati jew emendati f’kull fażi tal-proċedura.

2.   Kull parti tista’, f’kull fażi tal-proċedura, tipproponi l-adozzjoni jew l-emenda tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew tal-miżuri istruttorji. F’dan il-każ, għandhom jinstemgħu l-partijiet l-oħra qabel ma jiġu ordnati dawn il-miżuri.

3.   Meta ċ-ċirkustanzi tal-proċedura hekk jitolbu, l-Imħallef Relatur jew, jekk ikun il-każ, it-Tribunal, għandhom jinformaw lill-partijiet bil-miżuri proposti sabiex jagħtuhom l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom oralment jew bil-miktub.

L-Ewwel Taqsima – Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

Artikolu 55

Għan u forom ta’ miżuri

1.   Il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura għandhom, b’mod partikolari, l-iskop li:

a)

jassiguraw l-izvolġiment tajjeb tal-proċedura bil-miktub jew orali u li jiffaċilitaw l-amministrazzjoni tal-provi;

b)

jiddeterminaw il-punti li fuqhom il-partijiet għandhom jikkompletaw l-argumenti tagħhom jew li jitolbu miżura istruttorja;

ċ)

jippreċiżaw l-iskop tat-talbiet kif ukoll tar-raġunijiet u l-argumenti tal-partijiet u li jikkjarifikaw il-punti ta’ kontroversja bejniethom.

2.   Il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jistgħu, b’mod partikolari, jieħdu l-forma ta’:

a)

mistoqsijiet li jsiru lill-partijiet;

b)

stedina lill-partijiet sabiex jesprimu ruħhom bil-miktub jew oralment fuq xi aspetti tal-kontroversja;

ċ)

informazzjoni jew kjarifiki li jintalbu lill-partijiet;

d)

talba għal dokumenti jew għal kull att li għandhom x’jaqsmu mal-kawża;

e)

konvokazzjoni tal-partijiet għal laqgħat.

Artikolu 56

Proċedura

Bla ħsara għall-Artikolu 44(2), il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jiġu deċiżi mill-Imħallef Relatur, sakemm dan ma jirreferix il-kwistjoni lit-Tribunal minħabba l-portata tal-miżuri in kwistjoni jew minħabba l-importanza tagħhom għas-soluzzjoni tal-kontroversja. Ir-Reġistratur għandu jgħarraf lill-partijiet bihom.

It-Tieni Taqsima– Fuq il-miżuri istruttorji

Artikolu 57

Forom ta’ miżuri

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 24 u 25 ta’ l-Istatut, il-miżuri istruttorji jinkludu:

a)

id-dehra tal-partijiet stess;

b)

it-talba għal informazzjoni jew tagħrif lil terzi;

ċ)

it-talba lil terzi sabiex jipproduċu dokumenti jew atti dwar il-kawża;

d)

il-provi permezz tax-xhieda;

e)

il-perizja;

f)

l-aċċessi.

Artikolu 58

Proċedura

1.   Il-miżuri istruttorji jiġu deċiżi mit-Tribunal.

2.   Id-deċiżjoni dwar il-miżuri msemmija fl-Artikolu 57(d), (e) u (f) tittieħed permezz ta’ digriet li jindika l-fatti li għandhom jiġu ppruvati, wara li jinstemgħu l-partijiet.

Ir-Reġistratur għandu jassigura li d-deċiżjoni dwar il-miżuri msemmija tiġi mgħarrfa lill- partijiet.

3.   Il-partijiet jistgħu jkunu preżenti waqt il-miżuri istruttorji.

4.   Jekk it-Tribunal jiddeċiedi li jordna miżura istruttorja u ma jipproċedix huwa stess, huwa għandu jinkariga lill-Imħallef Relatur.

5.   Parti dejjem tista’ tressaq il-prova kuntrarja jew tippreżenta elaborazzjoni tal-provi mressqa.

It-Tielet Taqsima – Fuq it-Taħrika u l-Eżami tax-Xhieda u tal-Periti

Artikolu 59

Taħrika tax-Xhieda

1.   It-Tribunal għandu jordna li ssir verifika ta’ ċerti fatti permezz ta’ xhieda, ex officio, jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.

It-talba ta’ parti sabiex jiġi eżaminat xhud għandha tindika b’mod preċiż il-fatti li dwarhom ix-xhud jeħtieġ jinstema’ u r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżami tiegħu.

2.   Ix-xhieda, li l-eżami tagħhom jitqies neċessarju, għandhom jiġu mħarrka mit-Tribunal, bis-saħħa ta’ digriet li għandu jinkludi:

a)

il-kunjom, l-isem, l-okkupazzjoni u l-indirizz tax-xhieda;

b)

id-data u l-post ta’ l-eżami;

ċ)

l-indikazzjoni tal-fatti li dwarhom ix-xhieda ser jinstemgħu;

d)

jekk ikun il-każ, riferiment għall-provvedimenti meħuda mit-Tribunal għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż li jkunu saru mix-xhieda u għas-sanzjonijiet applikabbli għax-xhieda li jonqsu li jidhru.

3.   It-Tribunal jista’, f’każijiet eċċezzjonali, jissuġġetta t-taħrika tax-xhieda li l-partijiet jitolbu li jiġu eżaminati, għall-ħlas ta’ somma bħala garanzija għall-ispejjeż intaxxati, li għandha tiġi ddepożitata għand il-kaxxier tat-Tribunal. It-Tribunal għandu jistabbilixxi dan l-ammont.

Il-kaxxier tat-Tribunal għandu jipprovdi bil-quddiem il-fondi neċessarji għall-eżami tax-xhieda mħarrka ex officio.

Artikolu 60

Eżami tax-xhieda

1.   Wara li ssir il-verifika ta’ l-identità tax-xhieda, il-President għandu jinformahom illi huma jkollhom jikkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom bil-mod speċifikat fil-paragrafu 2 u fl-Artikolu 63.

Ix-xhieda għandhom jinstemgħu mit-Tribunal, u l-partijiet jissejħu sabiex jattendu. Wara d-depożizzjoni, il-President jista’, fuq talba tal-partijiet jew ex officio, jagħmel mistoqsijiet lix-xhieda.

Il-President jista’ jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda.

2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63, qabel ma jixhed, ix-xhud għandu jieħu l-ġurament li ġej:

“Jiena naħlef li ngħid il-verità, il-verità kollha u xejn għajr il-verità.”

It-Tribunal jista’, wara li jisma’ lill-partijiet, jeżenta lix-xhud milli jieħu l-ġurament.

3.   Ir-Reġistratur għandu jħejji proċess verbal li jirripproduċi d-depożizzjoni tax-xhieda.

Il-proċess verbal għandu jiġi ffirmat mill-President jew mill-Imħallef Relatur inkarigat mill-eżami kif ukoll mir-Reġistratur. Qabel ma l-proċess verbal jiġi ffirmat, ix-xhud għandu jingħata l-opportunità jivverifika l-kontenut tal-proċess verbal u jiffirmah.

Il-proċess verbal huwa att awtentiku.

Artikolu 61

Obbligi tax-xhieda

1.   Ix-xhieda, debitament imħarrka, għandhom joqogħdu għat-taħrika u jidhru għas-seduta.

2.   Meta xhud, debitament imħarrek, ma jidhirx quddiem it-Tribunal, dan jista’ jikkundannah għal ammenda ta’ mhux aktar minn EUR 5,000 u jordna taħrika ġdida tax-xhud bi spejjeż għalih.

L-istess ammenda tista’ tingħata lil xhud li, mingħajr raġuni leġittima, jirrifjuta li jixhed jew li jieħu l-ġurament jew li jagħmel id-dikjarazzjoni solenni li tista’ tissostitwixxi tali ġurament.

3.   Ix-xhud li jagħti raġunijiet leġittimi lit-Tribunal jista’ jiġi eżentat milli jħallas l-ammenda li jkun ġie kkundannat għaliha. L-ammenda tista’ titnaqqas fuq talba tax-xhud meta dan juri illi din hija sproporzjonata għad-dħul tiegħu.

4.   L-eżekuzzjoni tas-sanzjonijiet jew tal-miżuri meħuda skond dan l-Artikolu għandha tiġi infurzata skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 280 u 299 TFUE u l-Artikolu 164 TKEEA.

Artikolu 62

Perizja

1.   It-Tribunal jista’ jordna li ssir perizja, ex officio, jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet. Id-digriet li jaħtar il-perit għandu jispeċifika l-inkarigu tiegħu u għandu jistabbilixxi terminu għall-preżentata tar-rapport tiegħu.

2.   Il-perit għandu jirċievi kopja tad-digriet, flimkien mad-dokumenti kollha neċessarji sabiex iwettaq l-inkarigu tiegħu. Huwa għandu jkun taħt il-kontroll ta’ l-Imħallef Relatur, li jista’ jkun preżenti waqt l-investigazzjoni tal-perit u li għandu jinżamm informat dwar l-iżvolġiment ta’ l-inkarigu ta’ l-istess perit.

It-Tribunal jista’ jitlob il-ħlas ta’ depożitu, minn waħda jew aktar mill-partijiet, bħala garanzija għall-ispejjeż tal-perizja.

3.   Fuq talba tal-perit, it-Tribunal jista’ jiddeċiedi li jkompli bl-eżami tax-xhieda skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 60 ta’ dawn ir-Regoli.

4.   Il-perit jista’ jagħti l-opinjoni tiegħu biss fuq dawk il-punti li jiġu espressament sottomessi lilu.

5.   Wara l-preżentata tar-rapport, it-Tribunal jista’ jordna li jinstema’ l-perit, wara li jissejħu l-partijiet.

Il-President jista’ jawtorizza lir-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu mistoqsijiet lil-perit.

6.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63, wara l-preżentata tar-rapport, il-perit għandu jieħu l-ġurament li ġej quddiem it-Tribunal:

“Jiena naħlef li qdejt l-inkarigu tiegħi b’kuxjenza u b’imparzjalità sħiħa.”

It-Tribunal jista’, wara li jisma’ lill-partijiet, jeżenta lil-perit milli jieħu l-ġurament.

Artikolu 63

Ġurament

1.   Il-President għandu javża lill-persuni msejħa sabiex jieħdu ġurament quddiem it-Tribunal bħala xhieda jew bħala periti sabiex jgħidu l-verità jew sabiex jaqdu l-kariga tagħhom b’kuxjenza u b’imparzjalità sħiħa, u għandu jiġbdilhom l-attenzjoni għall-konsegwenzi kriminali previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom fil-każ ta’ ksur ta’ dan id-dmir.

2.   Ix-xhieda u l-periti għandhom jieħdu l-ġurament previst fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 60(2) u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 62(6) rispettivament, jew skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

3.   Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tax-xhieda jew tal-periti tipprovdi l-possibbiltà li, fil-qasam tal-proċedura ġudizzjarja, minbarra l-ġurament, minfloku jew flimkien miegħu, issir dikjarazzjoni li tissostitwixxieh, ix-xhieda u l-periti jistgħu jagħmlu din id-dikjarazzjoni taħt il-kundizzjonijiet u l-forom stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprovdi la għall-possibbiltà li jittieħed ġurament u lanqas għall-possibbiltà li ssir din id-dikjarazzjoni, għandha tiġi segwita l-proċedura prevista fil-paragrafu 1.

Artikolu 64

Sperġur – Dikjarazzjoni falza tal-perit

1.   It-Tribunal jista’ jiddeċiedi li jiddenunzja, lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Anness III tar-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ l-Istat Membru li l-qrati tiegħu għandhom ġurisdizzjoni penali, kull sperġur jew dikjarazzjoni falza minn perit li jsir taħt ġurament quddiemu, wara li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63.

2.   Id-deċiżjoni tat-Tribunal tintbagħat permezz tar-Reġistratur. Hija għandha tesponi l-fatti u ċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata d-denunzja.

Artikolu 65

Rikuża

1.   It-Tribunal għandu jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat fil-każ li waħda mill-partijiet tirrikuża xhud jew perit minħabba inkapaċità, inadegwatezza jew minħabba kull raġuni oħra jew fil-każ li xhud jew perit jirrifjuta li jixhed, li jieħu ġurament jew li jagħmel dikjarazzjoni solenni flok il-ġurament.

2.   Ir-rikuża ta’ xhud jew ta’ perit għandha ssir fi żmien ġimagħtejn mid-data tan-notifika tad-digriet li jħarrek lix-xhud jew li jaħtar il-perit, permezz ta’ att li jinkludi r-raġunijiet għar-rikuża u n-natura tal-provi li jkunu ser jitressqu.

Artikolu 66

Ħlas lura ta’ l-ispejjeż – Kumpens

1.   Ix-xhieda u l-periti għandhom dritt għall-ħlas lura ta’ l-ispejjeż ta’ vjaġġ u ta’ alloġġ tagħhom. Il-kaxxier tat-Tribunal jista’ jagħtihom xi ħlas bil-quddiem bħala akkont għal dawn l-ispejjeż.

2.   Ix-xhieda għandhom dritt għal kumpens għal telf ta’ qligħ u l-periti għandhom dritt għal onorarju għas-servizzi tagħhom. Dan il-kumpens għandu jitħallas mill-kaxxier tat-Tribunal lix-xhieda u lill-periti wara li huma jkunu wettqu d-dmirijiet tagħhom jew l-inkarigu tagħhom.

Artikolu 67

Ittri Rogatorji

1.   It-Tribunal jista’, fuq talba tal-partijiet jew ex officio, jibgħat ittri rogatorji għall-eżami ta’ xhieda jew ta’ periti.

2.   L-ittra rogatorja tintbagħat permezz ta’ digriet; dan għandu jinkludi l-isem, il-kunjom, il-professjoni u l-indirizz tax-xhieda jew tal-periti, jindika l-fatti li fuqhom ix-xhieda jew il-periti ser jinstemgħu, jinnomina l-partijiet, ir-rappreżentanti tagħhom kif ukoll l-indirizz tagħhom u jesponi sommarjament is-suġġett tal-kontroversja.

3.   Ir-Reġistratur jindirizza d-digriet lill-Awtorità kompetenti, imsemmija fl-Anness tar-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ l-Istat Membru fejn is-smigħ tax-xhieda jew tal-periti għandha ssir. Jekk ikun il-każ, flimkien mad-digriet, għandu jibgħat traduzzjoni fil-lingwa jew fil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat membru destinatarju.

L-awtorità nnominata b’applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu tibgħat id-digriet lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti skond il-liġijiet tagħha.

L-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha teżegwixxi t-talba fl-ittra rogatorja skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi tagħha. Wara l-eżekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għandha tibgħat lill-awtorità nnominata b’applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu, id-digriet bl-ittra rogatorja, id-dokumenti ta’ eżekuzzjoni u taxxa ta’ l-ispejjeż. Dawn id-dokumenti għandhom jiġu indirizzati lir-Reġistratur.

Ir-Reġistratur għandu jassigura t-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża.

4.   L-ispejjeż ta’ l-ittra rogatorja jitħallsu mit-Tribunal, taħt riżerva, jekk ikun il-każ, li jiġu addebitati lill-partijiet.

Ir-Raba’ Kapitolu

FUQ IL-FTEHIM BONARJU DWAR IL-KONTROVERSJI

Artikolu 68

Modalitajiet

1.   It-Tribunal jista’, f’kull fażi tal-proċedura, jeżamina l-possibbiltajiet ta’ ftehim bonarju dwar il-kontroversja kollha bejn ir-rikorrent u l-konvenut, jew parti minnha, jipproponi soluzzjoni waħda jew diversi soluzzjonijiet li huma ta’ natura tali li jġibu l-kontroversja fit-tmiem tagħha u jieħu l-miżuri xierqa sabiex jiffaċilita ftehim bħal dan.

Huwa jista’, b’mod partikolari:

jistieden lill-partijiet jew lil terzi persuni jagħtu informazzjoni jew tagħrif;

jistieden lill-partijiet jew lil terzi persuni jressqu dokumenti;

jistieden għal laqgħat ir-rappreżentanti tal-partijiet, il-partijiet stess jew kull uffiċjal jew aġent li huwa awtorizzat li jinnegozja ftehim eventwali.

2.   Il-paragrafu 1 huwa applikabbli wkoll fil-kuntest ta’ proċedura sommarja.

3.   It-Tribunal jista’ jinkariga lill-Imħallef Relatur, assistit mir-Reġistratur, sabiex ifittex ftehim bonarju ta’ kontroversja jew sabiex jimplementa l-miżuri li jkun adotta għal dan l-għan.

Artikolu 69

Ftehim tal-partijiet

1.   Meta r-rikorrent jew il-konvenut jiftiehmu, quddiem it-Tribunal jew l-Imħallef Relatur, fuq is-soluzzjoni tal-kontroversja, it-termini ta’ dan il-ftehim għandhom jiġu kkonstatati fi proċess verbal iffirmat mill-President jew mill-Imħallef Relatur, kif ukoll mir-Reġistratur. Il-ftehim, kif ikkonstatat mill-proċess verbal, huwa att awtentiku.

Il-kawża għandha titħassar mir-reġistru permezz ta’ digriet motivat tal-President.

Il-President jikkonstata, fuq talba tar-rikorrent u tal-konvenut, it-termini tal-ftehim fid-digriet ta’ tħassir.

2.   Meta r-rikorrent u l-konvenut jinformaw lit-Tribunal li huma waslu għal ftehim, barra mit-Tribunal, fuq is-soluzzjoni li għandha tingħata għall-kontroversja u jippreċiżaw li huma qiegħdin jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha tagħhom, il-President għandu jordna t-tħassir tal-kawża.

3.   Il-President għandu jiddeċiedi fuq l-ispejjeż skond il-ftehim, jew, fin-nuqqas ta’ dan, liberament.

Artikolu 70

Ftehim bonarju u proċedura ġudizzjarja

Fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, it-Tribunal u l-partijiet ma jistgħux jużaw l-opinjonijiet espressi, is-suġġerimenti fformulati, il-proposti ppreżentati, il-konċessjonijiet magħmula jew id-dokumenti ppreparati fil-kuntest ta’ ftehim bonarju.

Il-Ħames Kapitolu

FUQ IS-SOSPENSJONI TAL-PROĊEDURI U FUQ L-ASTENSJONI FAVUR IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA U L-QORTI ĠENERALI

Artikolu 71

Każijiet ta’ sospensjoni u proċedura

1.   Bla ħsara għall-Artikoli 117(4), 118(4) u 119(4), proċedura pendenti tista’ tiġi sospiża:

a)

meta jitressqu quddiem it-Tribunal u l-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament kawżi li jqajmu l-istess kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew li fihom jitqajjem dubju dwar il-validità ta’ l-istess att u sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew dik tal-Qorti tal-Ġustizzja;

b)

meta jkun tressaq appell quddiem il-Qorti tal-Qorti Ġenerali kontra deċiżjoni tat-Tribunal li tkun qatgħet parti mill-mertu tal-kawża, li tkun waqqfet kwistjoni proċedurali li tirrigwarda eċċezzjoni ta’ inkompetenza jew ta’ inammissibbiltà, jew li tiċħad talba għal intervent;

ċ)

fuq talba konġunta tal-partijiet;

d)

f’każijiet partikolari oħra, meta dan ikun meħtieġ fl-interess ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

2.   Id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tal-proċedura tittieħed b’digriet motivat tal-President. Wara li jinstemgħu l-partijiet; il-President jista’ jirreferi l-kwistjoni lit-Tribunal.

3.   Kull deċiżjoni ta’ kontinwazzjoni tal-proċedura qabel ma tiskadi s-sospensjoni jew li tissemma fl-Artikolu 72(2) għandha tiġi adottata bl-istess metodu.

Artikolu 72

Tul u effetti tas-sospensjoni

1.   Is-sospensjoni tal-proċedura tidħol fis-seħħ fid-data indikata fid-digriet ta’ sospensjoni jew, fin-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni, fid-data tad-digriet.

2.   Meta d-digriet ta’ sospensjoni ma jkunx stabbilixxa terminu, is-sospensjoni tispiċċa fid-data indikata fid-digriet li bih titkompla l-proċedura jew, fin-nuqqas ta’ din l-indikazzjoni, fid-data ta’ dan id-digriet.

3.   Matul il-perijodu tas-sospensjoni, l-ebda terminu tal-proċedura ma jiskadi, ħlief it-terminu ta’ intervent previst fl-Artikolu 109(1).

It-termini tal-proċedura jergġħu jibdew jiddekorru mill-bidu mid-data li fiha tispiċċa s-sospensjoni.

Artikolu 73

Astensjoni

1.   Skond l-Artikolu 8(2) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut, meta t-Tribunal iqis li r-rikors li għandu quddiemu jaqa’ fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali, huwa għandu jirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali.

2.   It-Tribunal jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

Is-Sitt Kapitolu

FUQ IR-RINUNZJI GĦALL-ATTI, FUQ ID-DEĊIŻJONIJIET LI M’HEMMX LOK LI TITTIEĦED DEĊIŻJONI U FUQ KWISTJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 74

Rinunzja għall-atti

Jekk ir-rikorrent jinforma lit-Tribunal, bil-miktub jew waqt is-seduta, illi huwa għandu l-intenzjoni li jirrinunzja għall-atti tal-kawża, il-President għandu jordna li l-kawża titħassar mir-reġistru u għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż skond l-Artikolu 89(5).

Artikolu 75

Deċiżjoni li m’hemmx lok li tittieħed deċiżjoni

Jekk it-Tribunal jikkonstata li r-rikors m’għadx għandu skop u li m’għadx hemm lok għal deċiżjoni, huwa jista’, f’kull waqt, ex officio u wara li jisma’ l-partijiet, jadotta digriet motivat.

Artikolu 76

Rikors manifestament inammissibbli

Meta t-Tribunal ikun manifestament inkompetenti li jieħu konjizzjoni ta’ rikors jew ta’ wħud mit-talbiet tiegħu jew meta r-rikors ikun, kollu jew parti minnu, manifestament inammissibbli jew manifestament nieqes minn kull bażi fid-dritt, it-Tribunal jista’, mingħajr ma jkompli l-proċedura, jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

Artikolu 77

Inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku

It-Tribunal jista’, f’kull waqt, ex officio u wara li jisma’ lill-partijiet, jiddeċiedi fuq l-inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Jekk it-Tribunal iqis li jkunu ngħataw biżżejjed kjarifiki, huwa jista’, mingħajr ma jkompli l-proċedura, jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

Artikolu 78

Talba għal deċiżjoni mingħajr ma t-Tribunal jidħol fil-mertu tal-kawża

1.   Talba minn waħda mill-partijiet li titlob lit-Tribunal jieħu deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà, inkompetenza jew fuq kwistjoni mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-kawża għandha ssir permezz ta’ att separat. It-talba għal deċiżjoni dwar l-inammissibbiltà għandha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ xahar min-notifika tar-rikors.

It-talba għandha tesponi r-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija bbażata, it-talbiet u, annessi magħha, id-dokumenti invokati in sostenn tagħha.

2.   Mal-preżentata ta’ l-att li bih titressaq it-talba, il-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex il-kontroparti tippreżenta bil-miktub it-talbiet u l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt tagħha.

Il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm it-Tribunal ma jiddeċidix mod ieħor.

3.   It-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar it-talba permezz ta’ digriet motivat jew jinkludiha mal-mertu.

Jekk it-Tribunal jiċħad it-talba jew jinkludiha mal-mertu, il-President għandu jistabbilixxi termini ġodda għat-tkomplija ta’ l-istanza.

4.   It-Tribunal għandu jirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti Ġenerali jekk il-kawża tkun taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn ta’ l-aħħar.

Is-Seba’ Kapitolu

FUQ IS-SENTENZI U D-DIGRIETI

Artikolu 79

Sentenza

Is-sentenza għandha tinkludi:

l-indikazzjoni li s-sentenza tkun qiegħda tingħata mit-Tribunal;

id-data ta’ meta qed tingħata;

l-ismijiet tal-President u ta’ l-Imħallfin li jkunu pparteċipaw, bl-indikazzjoni ta’ l-Imħallef Relatur;

l-isem tar-Reġistratur;

l-indikazzjoni tal-partijiet;

l-ismijiet tar-rappreżentanti tal-partijiet;

it-talbiet tal-partijiet;

il-fatti fil-qosor;

ir-raġunijiet;

il-parti operattiva, inkluża d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Artikolu 80

Qari tas-sentenza

1.   Is-sentenza għandha tingħata f’seduta bil-miftuħ. Il-partijiet għandhom jiġu debitament innotifikati bid-data tal-qari tas-sentenza.

2.   L-oriġinal tas-sentenza, iffirmata mill-President, mill-Imħallfin li pparteċipaw fid-deliberazzjoni u mir-Reġistratur, għandha tiġi ssiġillata u ddepożitata fir-Reġistru; ir-Reġistratur għandu jiżgura li l-partijiet kollha jiġu nnotifikati b’kopja awtentikata tas-sentenza.

3.   Ir-Reġistratur għandu jagħmel notament tad-data ta’ meta s-sentenza ngħatat fuq l-oriġinal tas-sentenza.

Artikolu 81

Digriet

1.   Kull digriet għandu jinkludi:

l-indikazzjoni li d-digriet ikun qiegħed jingħata mit-Tribunal, mill-President tat-Tribunal jew mill-kulleġġ ġudikanti;

id-data ta’ meta ġie adottat;

l-isem tal-President u, jekk ikun il-każ, ta’ l-Imħallfin li jkunu pparteċipaw fl-adozzjoni tiegħu, bl-indikazzjoni ta’ l-Imħallef Relatur;

l-isem tar-Reġistratur;

l-indikazzjoni tal-partijiet;

l-ismijiet tar-rappreżentanti tal-partijiet;

il-parti operattiva, inkluża, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

2.   Meta dawn ir-Regoli jipprovdu li digriet għandu jkun motivat, huwa għandu jinkludi, barra minn dan:

it-talbiet tal-partijiet;

il-fatti fil-qosor;

ir-raġunijiet.

Artikolu 82

Adozzjoni tad-digriet

L-oriġinal tad-digriet, iffirmat mill-President, għandu jiġi ssiġillat u ddepożitat fir-Reġistru; ir-Reġistratur għandu jiżgura li l-partijiet kollha jiġu nnotifikati b’kopja awtentikata tad-digriet.

Artikolu 83

Forza legali

1.   Is-sentenza jkollha forza legali mill-ġurnata li tingħata, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12(1) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut.

2.   Id-digrieti għandhom forza legali mill-ġurnata li jiġu nnotifikati, bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji ta’ dawn ir-Regoli u ta’ l-Artikolu 12(1) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut.

Artikolu 84

Korrezzjoni ta’ deċiżjonijiet

1.   L-iżbalji tal-pinna jew fil-kalkoli jew ineżattezzi evidenti jistgħu jiġu kkorreġuti, wara li jinstemgħu l-partijiet, permezz ta’ digriet tat-Tribunal, jew ex officio, inkella fuq talba ta’ xi parti li tista’ tiġi ppreżentata f’terminu ta’ xahar min-notifika tad-deċiżjoni li għandha tiġi kkoreġuta.

2.   L-oriġinal tad-digriet ta’ korrezzjoni għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tad-deċiżjoni kkorreġuta. Fil-marġni ta’ l-oriġinal tad-deċiżjoni kkorreġuta għandu jsir notament dwar dan id-digriet.

Artikolu 85

Nuqqas ta’ deċiżjoni fuq l-ispejjeż

1.   Jekk it-Tribunal ikun naqas milli jiddeċiedi fuq l-ispejjeż, il-parti li għandha l-intenzjoni tinvoka dan għandha tagħmel talba permezz ta’ rikors fi żmien xahar min-notifika tad-deċiżjoni.

2.   Ir-rikors għandu jiġu nnotifikat lill-parti l-oħra u l-President għandu jistabbilixxi terminu sabiex din tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

3.   Wara l-preżentata ta’ dawn l-osservazzjonijiet, it-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà u, fl-istess ħin, dwar il-mertu ta’ din it-talba.

It-Tmien Kapitolu

FUQ L-ISPEJJEŻ

Artikolu 86

Deċiżjoni fuq l-ispejjeż

Deċiżjoni fuq l-ispejjeż għandha tingħata fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża.

Artikolu 87

Allokazzjoni ta’ l-ispejjeż – Regoli ġenerali

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-parti telliefa għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikun ġew mitluba.

2.   Jekk ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, it-Tribunal jista’ jiddeċiedi li parti telliefa għandha tiġi kkundannata tbati biss parti mill-ispejjeż, jew saħansitra li hija ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward.

Artikolu 88

Spejjeż fiergħa jew vessatorji

Parti fil-kawża, anki jekk rebbieħa, tista’ tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, parzjalment jew kollha, jekk jidher li dan ikun ġustifikat minħabba l-atteġġament tagħha, anki qabel ma titressaq l-istanza, b’mod partikolari jekk tkun ikkawżat lill-parti l-oħra spejjeż li jkunu meqjusa fiergħa jew vessatorji.

Artikolu 89

Allokazzjoni ta’ l-ispejjeż – Każijiet partikolari

1.   Jekk ikun hemm aktar minn parti waħda li titlef, it-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż.

2.   Jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew minħabba raġunijiet eċċezzjonali, it-Tribunal jista’ jiddeċiedi li jaqsam l-ispejjeż jew jiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

3.   Fin-nuqqas li ssir talba għall-ispejjeż, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

4.   L-intervenjent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

5.   Il-parti li tirrinunzja għall-atti tal-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-kontroparti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar ir-rinunzja għall-atti tal-kawża. Madankollu, fuq talba tal-parti li tirrinunzja għall-atti tal-kawża, il-kontroparti għandha tbati l-ispejjeż jekk dan jidher iġġustifikat mill-aġir ta’ l-istess kontroparti.

6.   Fil-każ li m’hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, it-Tribunal jiddeċiedi liberament dwar l-ispejjeż.

7.   Fil-każ ta’ ftehim bejn il-partijiet dwar l-ispejjeż, it-Tribunal għandu jiddeċiedi skond dak il-ftehim.

Artikolu 90

Spejjeż ta’ infurzar

L-ispejjeż ta’ infurzar li parti kellha tħallas għandhom jitħallsu lura mill-kontroparti skond it-tariffa li tkun fis-seħħ fl-Istat li fih dan l-infurzar jitwettaq.

Artikolu 91

Spejjeż li jistgħu jinġabru

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 94, l-ispejjeż li ġejjin għandhom jitqiesu bħala spejjeż li jistgħu jinġabru:

a)

l-ammonti dovuti lix-xhieda u lill-periti skond l-Artikolu 66;

b)

l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, partikolarment l-ispejjeż ta’ vjaġġ u ta’ alloġġ, kif ukoll ir-remunerazzjoni tar-rappreżentant, jekk dawn l-ispejjeż ikunu indispensabbli.

Artikolu 92

Kontestazzjoni fuq l-ispejjeż

1.   Fil-każ ta’ kontestazzjoni dwar l-ammont u n-natura ta’ l-ispejjeż li jistgħu jinġabru, it-Tribunal għandu jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat fuq talba tal-parti kkonċernata, wara li jinstemgħu l-osservazzjonijiet tal-parti l-oħra.

Skond l-Artikolu 11(2) ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut, dan id-digriet mhuwiex appellabbli.

2.   Il-partijiet jistgħu, għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni, jitolbu kopja eżekuttiva ta’ dan id-digriet.

Artikolu 93

Ħlas

1.   Il-kaxxier tat-Tribunal u d-debituri tiegħu għandhom jagħmlu l-pagamenti tagħhom f’Euro.

2.   Meta l-ispejjeż li huma rimborsabbli jkunu saru f’valuta li mhijiex l-Euro jew meta l-atti li jwasslu għall-kumpens twettqu f’pajjiż li m’għandux l-Euro bħala l-valuta tiegħu, it-tisrif tal-flus għandu jsir skond ir-rata tal-kambju ta’ riferiment tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-jum tal-pagament.

Artikolu 94

Spejjeż tal-Qorti

Il-proċedura quddiem it-Tribunal hija bla ħlas, salv għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

a)

jekk it-Tribunal ikun għamel spejjeż li setgħu jiġu evitati, b’mod partikolari jekk ir-rikors huwa ta’ natura manifestament inġustifikata, hija tista’ tikkundanna lill-parti li kkawżathom tħallashom kollha jew tħallas parti minnhom mingħajr ma dan l-ammont ta’ ħlas lura jaqbeż is-somma ta’ EUR 2 000;

b)

l-ispejjeż tal-kopji kollha u tat-traduzzjoni mwettqa fuq talba ta’ parti, li huma meqjusa żejda mir-Reġistratur, għandhom jitħallsu lura minn din il-parti skond it-tariffa prevista mill-Artikolu 20.

Id-Disa’ Kapitolu

FUQ L-GĦAJNUNA LEGALI

Artikolu 95

Kundizzjonijiet sostantivi

1.   Sabiex jiġi assigurat aċċess effettiv għall-ġustizzja, l-għajnuna legali tingħata għall-proċeduri quddiem it-Tribunal skond ir-regoli segwenti.

L-għajnuna legali tkopri, totalment jew parzjalment, l-ispejjeż marbuta ma’ l-għajnuna u r-rappreżentazzjoni legali quddiem it-Tribunal. Il-kaxxier tal-Tribunal huwa responsabbli għal dawn l-ispejjeż.

2.   Kull persuna fiżika li, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħha, ma tistax, totalment jew parzjalment, tkopri l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1, għandha d-dritt li tibbenefika mill-għajnuna legali.

Is-sitwazzjoni ekonomika tiġi evalwata billi jittieħdu in kunsiderazzjoni elementi oġġettivi bħad-dħul, il-kapital u s-sitwazzjoni familjari.

3.   L-għajnuna legali tiġi miċħuda jekk l-azzjoni, li għaliha hija mitluba, tidher manifestament inammissibbli jew manifestament infondata.

Artikolu 96

Kundizzjonijiet proċedurali

1.   L-għajnuna legali tista’ tintalab qabel jew wara l-preżentata ta’ rikors.

Mhuwiex meħtieġ li t-talba ssir permezz ta’ avukat.

2.   Flimkien mat-talba għal għajnuna legali għandu jkun hemm l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li jiġġustifikawha, li jippermettu li tiġi evalwata s-sitwazzjoni ekonomika ta’ min jagħmel it-talba, bħal ċertifikat mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jagħti prova ta’ din is-sitwazzjoni ekonomika.

Jekk it-talba tiġi ppreżentata qabel ma jitressaq ir-rikors, min jagħmel it-talba għandu jesponi, fil-qosor, l-għan tas-rikors li huwa jrid iressaq, il-fatti tal-kawża u l-argumenti li jsostnu r-rikors. Mat-talba għandu jkun hemm id-dokumentazzjoni in sostenn tagħha.

3.   It-Tribunal jista’ jiddeċiedi, skond l-Artikolu 120, li l-użu ta’ formola sabiex titressaq talba għal għajnuna legali jkun obbligatorju.

Artikolu 97

Proċedura

1.   Qabel ma jiddeċiedi fuq it-talba għal għajnuna legali, it-Tribunal jistieden lill-parti l-oħra sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, sakemm mill-elementi ppreżentati ma jkunx jidher diġà li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 95(2) mhumiex sodisfatti jew li dawk fl-Artikolu 95(3) huma sodisfatti.

2.   Id-deċiżjoni dwar it-talba għal għajnuna legali tittieħed permezz ta’ digriet mill-President tat-Tribunal jew, jekk il-kawża tkun diġà ġiet assenjata lil Awla, mill-President. Huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lit-Tribunal.

Id-digriet li jiċħad l-għajnuna legali għandu jkun motivat.

3.   Fid-digriet li jawtorizza l-għajnuna legali għandu jinħatar avukat sabiex jirrappreżenta l-parti interessata.

Jekk il-parti interessata ma tkunx ipproponiet avukat hija stess jew jekk m’hemmx lok li l-għażla tagħha tiġi kkonfermata, ir-Reġistratur għandu jibgħat kopja tad-digriet u kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ikkonċernat imsemmija fl-Anness II tar-Regoli Addizzjonali għar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-avukat inkarigat li jirrappreżenta l-parti li tagħmel it-talba jinħatar fid-dawl tal-proposti trażmessi minn din l-Awtorità.

Id-digriet li jawtorizza l-għajnuna legali jista’ jistabbilixxi somma li tingħata lill-avukat inkarigat sabiex jirrappreżenta lill-parti interessata, jew jista’ jistabbilixxi limitu massimu li, bħala prinċipju, ma jkunx jista’ jinqabeż mill-ispejjeż u l-onorarju ta’ l-avukat. Id-digriet jista’ jipprevedi kontribuzzjoni mill-parti interessata għall-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 95(1), filwaqt li jieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tagħha.

4.   Il-preżentata ta’ talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar din it-talba jew, fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, tad-digriet li jaħtar l-avukat inkarigat li jassisti lill-parti li tagħmel it-talba.

5.   Jekk il-kundizzjonijiet li wasslu sabiex tingħata l-għajnuna legali jinbidlu matul il-kawża, il-President jista’ jirrevoka dan il-benefiċċju, kemm ex officio kif ukoll fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, wara li tinstema’ l-parti interessata. Huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lit-Tribunal.

Id-digriet li jirrevoka l-għajnuna legali għandu jkun motivat.

6.   Id-digrieti mogħtija bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu mhumiex appellabbli.

Artikolu 98

Pagamenti bil-quddiem – Teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż

1.   Fil-każ ta’ l-ammissjoni għall-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali, il-President jista’, fuq talba ta’ l-avukat tal-parti interessata, jiddeċiedi li jsir pagament bil-quddiem lill-avukat.

2.   Meta, bis-saħħa ta’ deċiżjoni li taqta’ l-kawża, il-parti li bbenefikat mill-għajnuna legali tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha, il-President għandu jistabbilixxi l-ispejjeż u l-onorarji ta’ l-avukat li għandhom jitħallsu mill-kaxxier tat-Tribunal permezz ta’ digriet motivat li mhuwiex appellabbli. Huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lit-Tribunal.

3.   Meta, fid-deċiżjoni li taqta’ l-kawża, it-Tribunal ikun ikkundanna parti oħra tbati l-ispejjeż tal-parti li bbenefikat mill-benefiċċju ta’ l-għajnuna legali, din il-parti l-oħra tkun marbuta tħallas lura lill-Kaxxier tat-Tribunal dawk l-ammonti li tħallsu bħala għajnuna.

Fil-każ ta’ kontestazzjoni jew jekk il-parti, wara talba tar-Reġistratur, ma tħallasx lura dawn l-ammonti, il-President għandu jiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat li mhuwiex appellabbli. Il-President jista’ jirreferi l-kwistjoni lit-Tribunal.

4.   Meta l-parti li tibbenefika mill-għajnuna legali titlef, it-Tribunal jista’, jekk dan huwa meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, fid-deċiżjoni dwar l-ispejjeż meta taqta’ l-kawża, tordna li waħda jew aktar mill-partijiet l-oħra jbatu l-ispejjeż tagħhom jew li l-ispejjeż kollha jew parti minnhom jitħallsu mill-Kaxxier tat-Tribunal bħala għajnuna legali.

L-Għaxar Kapitolu

FUQ IN-NOTIFIKI

Artikolu 99

Notifiki

1.   Ir-Reġistratur għandu jassigura li n-notifiki previsti f’dawn ir-Regoli jsiru:

fil-każ ta’ għażla ta’ indirizz għan-notifika fil-post fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu, billi tintbagħat kopja ta’ l-att li għandu jiġi nnotifikat bil-posta reġistrata b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta, jew billi din il-kopja tittieħed personalment taħt l-għotja ta’ rċevuta, jew

fil-każ li, skond l-Artikolu 35(3) jew skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 39(1), il-persuna li għandha tiġi nnotifikata aċċettat li notifiki jsirulha permezz ta’ mezz tekniku ta’ komunikazzjoni li għandu t-Tribunal, b’dan l-istess mezz.

Il-kopji ta’ l-oriġinal li għandu jiġi nnotifikat, għandhom jiġu ppreparati u awtentikati mir-Reġistratur ħlief meta l-partijiet infishom jippreżentaw il-kopji skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 34(1).

2.   Jekk ikun meħtieġ, għal raġunijiet tekniċi marbuta b’mod partikolari mal-volum ta’ l-att jew jekk l-att li għandu jiġi nnotifikat huwa sentenza jew digriet, l-att għandu jiġi nnotifikat, fin-nuqqas ta’ għażla ta’ indirizz għan-notifika mid-destinatarju, fl-indirizz tiegħu skond il-proċedura prevista fl-ewwel subinċiż tal-paragrafu 1. Il-persuna li għandha tiġi nnotifikata tiġi avżata b’dan permezz ta’ faks jew permezz ta’ xi mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni li għandu t-Tribunal. F’dan il-każ, in-notifika ta’ din il-persuna għandha titqies li saret bil-posta reġistrata fl-għaxar jum wara li l-att ikun ġie ddepożitat fl-uffiċċju postali fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu, sakemm l-irċevuta ma tindikax li l-istess persuna rċevietha f’data oħra, jew sakemm l-istess persuna ma tinformax lir-Reġistratur, fi żmien tliet ġimgħat mill-avviż li jkun sarilha permezz ta’ faks jew permezz ta’ mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni, li n-notifika ma waslitilhiex.

Il-Ħdax-il Kapitolu

FUQ IT-TERMINI

Artikolu 100

Kalkolu tat-termini – Żieda ta’ terminu għal raġunijiet ta’ distanza

1.   It-termini tal-proċedura previsti mit-Trattati, mill-Istatut u min dawn ir-Regoli għandhom jiġu kalkulati kif ġej:

a)

fejn terminu, li huwa espress f’jiem, f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin, għandu jiġi kkalkulat mill-mument li fih jiġri avveniment jew jitwettaq att, il-jum li fih jiġri l-avveniment jew li jitwettaq l-att m’għandux jiġi inkluż fit-terminu;

b)

terminu espress f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin għandu jispiċċa ma’ l-iskadenza ta’ dak il-jum li, fl-aħħar ġimgħa, fl-aħħar xahar jew fl-aħħar sena, iġib l-istess isem jew l-istess numru tal-jum li fih ġara l-avveniment jew twettaq xi att li minnu għandu jiġi kkalkulat it-terminu. Jekk f’terminu espress f’xhur jew fi snin, il-jum stabbilit għall-iskadenza tiegħu ma jinsertax fl-aħħar xahar tat-terminu, dan it-terminu jiskadi ma’ tmiem l-aħħar jum ta’ dak ix-xahar;

ċ)

meta terminu huwa espress f’xhur u f’jiem, għandhom l-ewwel jitqiesu x-xhur sħaħ u mbagħad il-jiem;

d)

it-termini jinkludu l-jiem ta’ vakanza legali, il-Ħdud u s-Sibtijiet;

e)

it-termini ma jiġux sospiżi matul il-ferjat.

2.   Jekk il-jum li fih jiskadi t-terminu jkun Sibt, Ħadd jew jum ta’ vakanza legali, l-iskadenza għandha tiġi pprorogata għal tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss.

Il-lista tal-jiem ta’ vakanza legali stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Europea hija applikabbli għat-Tribunal.

3.   It-termini tal-proċedura għandhom jiżdiedu darba b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

Artikolu 101

Proroga – Delega tas-setgħa ta’ firma

1.   It-termini stabbiliti taħt dawn ir-Regoli jistgħu jiġu pprorogati mill-awtorità li stabbiliethom.

2.   Il-President jista’ jiddelega lir-Reġistratur is-setgħa li jiffirma sabiex jistabbilixxi ċerti termini li huwa jista’ jistabbilixxi bis-saħħa ta’ dawn ir-Regoli, jew sabiex jipproroga dawn it-termini.

IT-TIELET TITOLU

FUQ IL-PROĊEDURI SPEĊJALI

L-Ewwel Kapitolu

FUQ IS-SOSPENSJONI TA’ L-EŻEKUZZJONI U MIŻURI PROVVIŻORJI OĦRA PERMEZZ TA’ PROĊEDURA SOMMARJA

Artikolu 102

Talba għal miżuri provviżorji

1.   Kull talba għal sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni ta’ att ta’ istituzzjoni skond l-Artikoli 278 TFUE u 157 TKEEA tkun ammissibbli biss jekk min jitlob tali sospensjoni jkun ikkontesta dak l-att b’rikors quddiem it-Tribunal.

Kull talba għal xi waħda mill-miżuri provviżorji l-oħra taħt l-Artikolu 279 TFUE tkun ammissibbli biss jekk din issir minn parti f’kawża li tinsab quddiem it-Tribunal u jekk din tirreferi għall-kawża msemmija.

Dawn it-talbiet jistgħu jiġu ppreżentati malli tiġi ppreżentata l-kontestazzjoni prevista fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 91(4) ta’ l-imsemmija Regolamenti.

2.   It-talbiet previsti mill-paragrafu preċedenti għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jitolbu l-urġenza kif ukoll ir-raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja li tiġi mitluba.

3.   It-talba għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ att separat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 34 u 35.

Artikolu 103

Kompetenza tal-President tat-Tribunal

1.   Il-President tat-Tribunal għandu jiddeċiedi fuq it-talbiet ippreżentati skond l-Artikolu 102(1).

2.   Fil-każ ta’ assenza jew ta’ impediment tal-President tat-Tribunal, dan għandu jiġi ssostitwit minn Imħallef ieħor li jiġi nnominat taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti minn deċiżjoni tat-Tribunal ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Europea.

Artikolu 104

Proċedura

1.   It-talba għandha tiġi nnotifikata lill-kontroparti wara li l-President tat-Tribunal jistabbilixxi terminu qasir għall-preżentazzjoni ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub jew orali tagħha.

2.   Il-President tat-Tribunal għandu jiddeċiedi, jekk ikun il-każ, dwar miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u l-miżuri istruttorji.

3.   Il-President jista’ jilqa’ t-talba anki qabel ma l-kontroparti tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha. Din il-miżura tista’ tiġi suċċessivament modifikata jew irrevokata, anki ex officio.

Artikolu 105

Deċiżjoni fuq il-miżuri provviżorji

1.   Id-deċiżjoni dwar it-talba għandha tingħata permezz ta’ digriet motivat.

2.   L-eżekuzzjoni tad-digriet tista’ tiġi ssuġġettata għal depożitu ta’ garanzija minn min jagħmel it-talba. L-ammont u n-natura ta’ tali garanzija għandhom jiġu stabbiliti skond iċ-ċirkustanzi.

3.   Dan id-digriet jista’ jistabbilixxi data minn meta l-miżura ma tibqax fis-seħħ. Jekk din id-data ma tiġix stabbilita, il-miżura ma tibqax fis-seħħ meta tingħata s-sentenza definittiva.

4.   Dan id-digriet għandu natura provviżorja u ma jippreġudikax id-deċiżjoni tat-Tribunal fil-kawża prinċipali.

Artikolu 106

Bidla fiċ-ċirkustanzi

Dan id-digriet jista’ jiġi modifikat jew irrevokat f’kull waqt fuq talba ta’ parti minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi.

Artikolu 107

Talba ġdida

Iċ-ċaħda ta’ talba għal miżura provviżorja ma żżommx lill-parti li tkun għamlitha milli tippreżenta talba oħra bbażata fuq fatti ġodda.

Artikolu 108

Sospensjoni ta’ l-infurzar

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu huma applikabbli għal talba għal sospensjoni ta’ l-infurzar ta’ att ta’ istituzzjoni, ippreżentata skond l-Artikoli 280 u 299 TFUE u l-Artikolu 164 TKEEA.

Id-digriet li jilqa’ t-talba għandu jistabbilixxi, jekk ikun il-każ, id-data meta l-miżura provviżorja ma tibqax fis-seħħ.

It-Tieni Kapitolu

FUQ L-INTERVENT

Artikolu 109

Talba għal intervent

1.   Kull talba għal intervent għandha tiġi ppreżentata qabel ma jiskadi terminu ta’ erba’ ġimgħat li jibda jiddekorri mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż imsemmi fl-Artikolu 37(2).

2.   It-talba għal intervent għandha tinkludi:

a)

l-indikazzjoni tal-kawża;

b)

l-indikazzjoni tal-partijiet fil-kawża;

ċ)

l-isem u l-indirizz ta’ l-intervenjent;

d)

l-għażla ta’ l-indirizz għan-notifika ta’ l-intervenjent fil-post fejn it-Tribunal għandu s-sede tiegħu jew l-indikazzjoni ta’ mezz tekniku ta’ komunikazzjoni tat-Tribunal, li r-rappreżentant jaċċetta li jirċievi n-notifiki kollha bih;

e)

it-talbiet ta’ l-intervenjent intiżi in sostenn jew sabiex jiġu miċħuda t-talbiet tar-rikorrent;

f)

deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi li jagħtu d-dritt għall-intervent bis-saħħa tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut jew fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni speċifika.

3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 34 u 35 huma applikabbli.

4.   L-intervenjent għandu jkun irrappreżentat skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 19 ta’ l-Istatut.

5.   It-talba għal intervent għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet, sabiex dawn ikunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub jew oralment u jindikaw lir-Reġistru, jekk ikun il-każ, id-dokumenti kollha li huma jqisu sigrieti jew kunfidenzjali u li, konsegwentement, huma ma jixtiqux li jiġu kkomunikati lill-intervenjenti.

6.   Il-President għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal intervent permezz ta’ digriet jew għandu jirrinvija t-talba lit-Tribunal. Fil-każ li t-talba tiġi miċħuda, id-digriet għandu jkun motivat.

Artikolu 110

Kundizzjonijiet ta’ l-intervent

1.   Jekk jiġi ammess intervent, il-President għandu jistabbilixxi terminu li fih l-intervenjent għandu jippreżenta s-sottomissjonijiet ta’ l-intervent.

2.   L-intervenjent għandu jirċievi kopja ta’ l-atti kollha tal-proċedura nnotifikati lill-partijiet. Madankollu, il-President jista’, fuq talba ta’ parti, jeskludi xi dokumenti sigrieti jew kunfidenzjali minn din il-komunikazzjoni.

3.   Is-sottomissjonijiet ta’ l-intervent għandhom jinkludu:

a)

it-talbiet ta’ l-intervenjent;

b)

ir-raġunijiet u l-argumenti mressqa mill-intervenjent;

ċ)

jekk ikun il-każ, il-provi li jixtieq iressaq.

4.   It-talbiet ta’ l-intervenjent huma ammissibbli biss jekk huma intiżi li jsostnu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet.

5.   Wara l-preżentata tas-sottomissjonijiet ta’ l-intervent, il-President għandu jistabbilixxi terminu li fih il-partijiet jistgħu jwieġbu bil-miktub għal dawn is-sottomissjonijiet jew għandu jistieden lill-partijiet jippreżentaw ir-risposta tagħhom waqt il-proċedura orali.

6.   Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regoli, l-intervenjent huwa assimilat għal parti, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjonijiet kuntrarji.

Artikolu 111

Stedina għal intervent

1.   F’kull fażi tal-proċedura, il-President jista’, wara li jkun sema’ l-partijiet, jistieden lil kull persuna, kull istituzzjoni jew kull Stat Membru li jkunu direttament ikkonċernati fis-soluzzjoni tal-kontroversja sabiex jindikaw lit-Tribunal jekk jixtiqux jintervjenu fil-proċedura. L-avviż imsemmi fl-Artikolu 37(2) għandu jissemma’ fl-istedina.

2.   Jekk il-persuna, l-istituzzjoni jew l-Istat Membru kkonċernati jindikaw lit-Tribunal, fit-terminu stabbilit mill-President, li huma jixtiequ jintervjenu, il-President għandu jinforma l-partijiet b’dan, sabiex jippermettilhom jindikaw lir-Reġistru, jekk ikun il-każ, id-dokumenti kollha li huma jqisu sigrieti jew kunfidenzjali u li, konsegwentement, huma ma jixtiqux li jiġu kkomunikati lill-persuna jew istituzzjoni kkonċernata.

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 110(2) huma applikabbli.

3.   Il-persuna, l-istituzzjoni jew l-Istat Membru kkonċernati għandhom jippreżentaw is-sottomissjonijiet ta’ l-intervent tagħhom, f’terminu ta’ xahar li jibda’ jiddekorri minn meta jiġu kkomunikati l-atti tal-proċedura.

Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 34, 35, 109(2)(a) sa (e) u (4) u 110(3) sa (6) huma applikabbli.

It-Tielet Kapitolu

FUQ L-APPELLI U L-KAWŻI RRINVIJATI WARA LI JIĠU ANNULLATI

Artikolu 112

Kundizzjonijiet ta’ l-appell kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal

Jista’ jsir appell quddiem il-Qorti Ġenerali kontra s-sentenzi u d-digrieti tat-Tribunal fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 9 sa 12 ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut.

Artikolu 113

Rinviju wara annullament – Assenjazzjoni tal-kawża rrinvijata

1.   Meta, wara li tkun annullat sentenza jew digriet tat-Tribunal, il-Qorti Ġenerali tirrinvija l-kawża lill-istess Tribunal bis-saħħa ta’ l-Artikolu 13 ta’ l-Anness I ta’ l-Istatut, it-Tribunal għandu jieħu konjizzjoni tas-sentenza tar-rinviju.

2.   Il-President tat-Tribunal għandu jassenja l-kawża jew lill-kulleġġ ġudikanti li jkun ta d-deċiżjoni annullata jew lil kulleġġ ġudikanti ieħor.

Madankollu, meta d-deċiżjoni annullata tkun ingħatat minn Imħallef uniku, il-President tat-Tribunal għandu jassenja l-kawża lil Awla bi tliet Imħallfin, li dan l-Imħallef ma jkunx jagħmel parti minnha.

Artikolu 114

Proċedura ta’ eżami tal-kawża rrinvijata

1.   F’terminu ta’ xahrejn li jibdew jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ssir lilu, ir-rikorrent jista’ jippreżenta sottomissjonijiet bil-miktub.

2.   F’terminu ta’ xahar li jiddekorri minn meta l-konvenut jiġi nnotifikat bis-sottomissjonijiet, dan ta’ l-aħħar jista’ jippreżenta sottomissjonijiet bil-miktub. It-terminu mogħti lil konvenut sabiex jippreżenta dawn is-sottomissjonijiet qatt ma jista’ ikun anqas mit-terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ssir lilu.

3.   F’terminu ta’ xahar li jiddekorri mill-komunikazzjoni simultanea ta’ l-osservazzjonijiet tar-rikorrent u tal-konvenut lill-parti intervenjenti, din ta’ l-aħħar tista’ tippreżenta s-sottomissjonijiet bil-miktub. It-terminu mogħti lill-parti intervenjenti sabiex tippreżenta dawn is-sottomissjonijiet qatt ma jkun anqas minn terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li ssir lilu.

4.   B’deroga mill-paragrafi 1 sa 3, meta, quddiem it-Tribunal, il-proċedura bil-miktub ma tkunx intemmet fil-mument tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża titkompla fil-punt li fiha tkun tħalliet, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura stabbiliti mit-Tribunal.

5.   Jekk iċ-ċirkustanzi jippermettu, it-Tribunal jista’ jawtorizza l-preżentata ta’ sottomissjonijiet kumplementari ta’ osservazzjonijiet bil-miktub.

6.   Il-proċedura għandha ssegwi d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II ta’ dawn ir-Regoli.

Artikolu 115

Spejjeż

It-Tribunal għandu jiddeċiedi fuq l-ispejjeż, kemm tal-proċeduri quddiemu, kif ukoll dawk tal-proċedura ta’ l-appell quddiem il-Qorti Ġenerali.

Ir-Raba’ Kapitolu

FUQ IS-SENTENZI MOGĦTIJA FIL-KAŻ TA’ KONTUMAĊJA U FUQ L-OPPOŻIZZJONI

Artikolu 116

Proċedura

1.   Jekk konvenut, li kien debitament innotifikat b’rikors, jonqos li jwieġeb lilu fil-forma u fit-termini preskritti, ir-rikorrent jista’ jitlob lit-Tribunal sabiex jilqa’ t-talbiet tiegħu.

Din it-talba għandha tiġi nnotifikata lill-konvenut. It-Tribunal jista’ jiddeċiedi li jiftaħ il-proċedura orali fuq din it-talba.

2.   Qabel ma jagħti s-sentenza fil-każ ta’ kontumaċja, it-Tribunal għandu jeżamina l-ammissibbiltà tar-rikors u għandu jivverifika jekk il-formalitajiet ġewx osservati u jekk it-talbiet tar-rikorrent jidhrux fondati. Huwa jista’ jordna li jittieħdu miżuri istruttorji.

3.   Is-sentenza fil-każ ta’ kontumaċja hija eżekuttiva.

Madankollu, it-Tribunal jista’ jissospendi l-eżekuzzjoni tagħha sakemm ikun ħa deċiżjoni dwar l-oppożizzjoni ppreżentata bis-saħħa tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu jew jista’ wkoll jissuġġetta tali eżekuzzjoni għal depożitu ta’ garanzija li l-ammont u l-kundizzjonijiet tagħha jiġu stabbiliti skond iċ-ċirkustanzi; din il-garanzija għandha tiġi rrilaxxata jekk ma jkunx hemm oppożizzjoni jew fil-każ li din l-oppożizzjoni tiġi miċħuda.

4.   Tista’ ssir oppożizzjoni kontra sentenza li tingħata fil-każ ta’ kontumaċja.

L-oppożizzjoni għandha ssir f’terminu ta’ xahar mid-data tan-notifika tas-sentenza.

Hija għandha ssir fil-forom preskritti fl-Artikoli 34 u 35.

5.   Wara n-notifika ta’ l-oppożizzjoni, il-President tal-kulleġġ ġudikanti għandu jistabbilixxi terminu sabiex il-parti l-oħra tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha.

Il-proċedura għandha tiżvolġi skond id-dispożizzjonijiet tat-Tieni Titolu ta’ dawn ir-Regoli.

6.   It-Tribunal jiddeċiedi permezz ta’ sentenza li kontra tagħha ma tistax issir oppożizzjoni. L-oriġinal ta’ din is-sentenza għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tas-sentenza li tkun ingħatat fil-każ ta’ kontumaċja. Għandu jsir notament tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni fil-marġni ta’ l-oriġinal tas-sentenza mogħtija fil-każ ta’ kontumaċja.

Il-Ħames Kapitolu

FUQ IR-RIMEDJI EĊĊEZZJONALI

Artikolu 117

Fuq l-oppożizzjoni minn terzi

1.   Skond l-Artikolu 42 ta’ l-Istatut, tista’ ssir oppożizzjoni minn terzi kontra deċiżjoni mogħtija mingħajr ma t-terz ma kien ġie msejjaħ fil-kawża, jekk id-deċiżjoni tippreġudika d-drittijiet tiegħu.

Jekk id-deċiżjoni suġġetta għall-oppożizzjoni tkun ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Europea, it-talba għandha tiġi ppreżentata fix-xahrejn ta’ wara l-pubblikazzjoni.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 34 u 35 huma applikabbli għal talba minn terz biex jopponi; din għandha, barra minn hekk:

a)

tispeċifika d-deċiżjoni kkontestata;

b)

tindika kif id-deċiżjoni kkontestata tippreġudika d-drittijiet tat-terz li qed jopponi;

ċ)

tindika r-raġunijiet għaliex it-terz li qed jopponi ma setax ikun parti fil-kawża prinċipali quddiem it-Tribunal.

L-oppożizzjoni għandha ssir kontra l-partijiet kollha fil-kawża prinċipali.

It-talba ta’ oppożizzjoni minn terzi għandha tiġi assenjata lill-kulleġġ ġudikanti li jkun ta d-deċiżjoni suġġetta għall-oppożizzjoni.

3.   Id-deċiżjoni għandha tiġi modifikata f’dawk il-punti fejn l-oppożizzjoni tat-terz tiġi milqugħa.

L-oriġinal tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni tat-terz għandha tiġi annessa ma’ l-oriġinal tad-deċiżjoni kkontestata. Għandu jsir notament tas-sentenza mogħtija dwar l-oppożizzjoni tat-terz fil-marġni ta’ l-oriġinal tad-deċiżjoni kkontestata.

4.   Meta appell quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talba għal oppożizzjoni minn terzi quddiem it-Tribunal jiġu mressqa kontra l-istess deċiżjoni tat-Tribunal, dan ta’ l-aħħar jista’, wara li jisma’ l-partijiet, jissospendi l-proċedura sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

5.   Is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi ordnata fuq talba tat-terz li qed jopponi. Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Kapitolu I huma applikabbli.

Artikolu 118

Fuq l-interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal

1.   Skond l-Artikolu 43 ta’ l-Istatut, fil-każ ta’ diffikultà dwar it-tifsira jew il-portata ta’ deċiżjoni, huwa t-Tribunal li għandu jinterpretaha, fuq talba ta’ parti jew istituzzjoni li turi li jkollha interess f’dan.

It-talba għal interpretazzjoni ma hija suġġetta għal ebda terminu.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 34 u 35 huma applikabbli għal talba ta’ interpretazzjoni; din għandha, barra minn hekk:

a)

tispeċifika d-deċiżjoni kkonċernata;

b)

tindika t-testi li tagħhom tkun qed tintalab l-interpretazzjoni.

It-talba għandha ssir kontra l-partijiet kollha fid-deċiżjoni li tagħha tkun qed tintalab l-interpretazzjoni.

It-talba għal interpretazzjoni għandha tiġi assenjata lill-kulleġġ ġudikanti li jkun ta d-deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ l-imsemmija talba.

3.   It-Tribunal għandu jagħti d-deċiżjoni tiegħu permezz ta’ sentenza wara li jkun ta lill-partijiet l-opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom.

L-oriġinal tas-sentenza li tagħti l-interpretazzjoni għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tad-deċiżjoni li tagħha ngħatat l-interpretazzjoni. Fil-marġni ta’ l-oriġinal tad-deċiżjoni li tagħha ngħatat interpretazzjoni għandu jsir notament tas-sentenza li tat l-interpretazzjoni.

4.   Meta appell quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talba għal interpretazzjoni quddiem it-Tribunal jirrigwardaw l-istess deċiżjoni tat-Tribunal, dan ta’ l-aħħar jista’, wara li jisma’ l-partijiet, jissospendi l-proċedura sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

Artikolu 119

Fuq ir-reviżjoni

1.   Ir-reviżjoni ta’ deċiżjoni tat-Tribunal tista’ tintalab biss, skond l-Artikolu 44 ta’ l-Istatut, għar-raġuni li jiġi skopert fatt ta’ natura tali li jkollu influwenza deċiżiva u li, qabel l-għoti jew l-adozzjoni tad-deċiżjoni ma kienx magħruf mit-Tribunal u mill-parti li titlob ir-reviżjoni.

Bla ħsara għat-terminu ta’ għaxar snin previst fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 44 ta’ l-Istatut, ir-reviżjoni għandha tintalab f’terminu ta’ mhux aktar tard minn tliet xhur li jibdew jiddekorru mill-jum li fih min jitlobha jkun sar jaf bil-fatt li fuqu hija bbażata t-talba għar-reviżjoni.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 34 u 35 huma applikabbli għat-talba għal reviżjoni; talba għal reviżjoni għandha wkoll:

a)

tispeċifika d-deċiżjoni kkontestata;

b)

tindika l-punti li fuqhom qegħda tiġi kkontestata d-deċiżjoni;

ċ)

tispeċifika l-fatti li fuqhom it-talba hija bbażata;

d)

tindika n-natura tal-provi intiżi li juru l-eżistenza ta’ fatti li jiġġustifikaw ir-reviżjoni u li juru li t-termini preskritti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ġew irrispettati.

It-talba għal reviżjoni għandha ssir kontra l-partijiet kollha fid-deċiżjoni li tagħha tintalab ir-reviżjoni.

It-talba għal reviżjoni minn terzi għandha tiġi assenjata lill-kulleġġ ġudikanti li jkun ta d-deċiżjoni li tagħha tintalab ir-reviżjoni.

3.   Fid-dawl ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet, it-Tribunal għandu jiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà tal-talba permezz ta’ sentenza.

Jekk it-Tribunal jiddikjara t-talba ammissibbli, il-proċedura titkompla oralment, sakemm it-Tribunal ma jiħux deċiżjoni kuntrarja. It-Tribunal jiddeċiedi permezz ta’ sentenza.

L-oriġinal tas-sentenza ta’ reviżjoni għandu jiġi anness ma’ l-oriġinal tad-deċiżjoni rriveduta. Għandu jsir notament tas-sentenza ta’ reviżjoni ta’ terz fil-marġni ta’ l-oriġinal tad-deċiżjoni li ġiet irriveduta.

4.   Meta appell quddiem il-Qorti Ġenerali u talba għal reviżjoni quddiem it-Tribunal jirrigwardaw l-istess deċiżjoni tat-Tribunal, dan ta’ l-aħħar jista’, wara li jisma’ l-partijiet, jissospendi l-proċedura sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 120

Istruzzjonijiet prattiċi tat-Tribunal

It-Tribunal jista’ joħroġ istruzzjonijiet prattiċi, b’mod partikolari, dwar il-preparazzjoni u l-iżvolġiment tas-seduti quddiemu, dwar il-ftehim bonarju tal-kontroversji kif ukoll il-preżentata ta’ l-atti jew ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub.

Artikolu 121

Pubblikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura

Dawn ir-Regoli, li huma awtentiċi fil-lingwi tal-kawża msemmija fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Europea. Huma jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tielet xahar wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Artikolu 122

Dispożizzjonijiet tranżitorji fuq l-ispejjeż

Id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tielet Titolu, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal mill-jum li fih jidħlu fis-seħħ dawn ir-Regoli.

Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li huma rilevanti għal dan is-suġġett għandhom jibqgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal qabel din id-data.

WERREJ

DISPOŻIZZJONI PRELIMINARI

 

Artikolu 1

Tifsiriet

L-EWWEL TITOLU

FUQ L-ORGANIZZAZZJONI TAT-TRIBUNAL

L-Ewwel Kapitolu:

FUQ IL-PRESIDENZA U L-MEMBRI TAT-TRIBUNAL

Artikolu 2

Terminu tal-kariga ta’ l-Imħallfin

Artikolu 3

Teħid tal-ġurament

Artikolu 4

Revoka mill-kariga u skwalifika ta’ Mħallef

Artikolu 5

Ordni tal-preċedenza

Artikolu 6

Elezzjoni tal-President tat-Tribunal

Artikolu 7

Setgħat tal-President tat-Tribunal

Artikolu 8

Sostituzzjoni tal-President tat-Tribunal

It-Tieni Kapitolu:

FUQ IL-KULLEĠĠI ĠUDIKANTI

Artikolu 9

Kulleġġi ġudikanti

Artikolu 10

Kostituzzjoni ta’ l-Awli

Artikolu 11

Presidenti ta’ l-Awli

Artikolu 12

Kulleġġ ġudikanti ordinarju – Assenjazzjoni tal-kawżi lill-Awli

Artikolu 13

Rinviju ta’ kawża lis-Seduta Plenarja jew lill-Awla b'ħames Imħallfin

Artikolu 14

Rinviju ta’ kawża lil Imħallef uniku

It-Tielet Kapitolu:

FUQ IR-REĠISTRU U FUQ ID-DIPARTIMENTI

L-Ewwel Taqsima –

Fuq ir-Reġistru

Artikolu 15

Ħatra tar-Reġistratur

Artikolu 16

Tmiem il-kariga tar-Reġistratur

Artikolu 17

Assistent Reġistratur

Artikolu 18

Assenza jew impediment tar-Reġistratur

Artikolu 19

Funzjonijiet tar-Reġistratur

Artikolu 20

Żamma tar-reġistru

It-Tieni Taqsima –

Fuq id-Dipartimenti

Artikolu 21

Uffiċjali u Aġenti oħra

Artikolu 22

Amministrazzjoni u tmexxija finanzjarja tat-Tribunal

Ir-Raba’ Kapitolu:

FUQ IL-MOD KIF JAĦDEM IT-TRIBUNAL

Artikolu 23

Dati, ħinijiet u post tas-seduti tat-Tribunal

Artikolu 24

Kworum

Artikolu 25

Assenza jew impediment ta’ Mħallef

Artikolu 26

Assenza jew Impediment ta’ Mħallef ta Awla b’ ħames Imħallfin qabel is-seduta

Artikolu 27

Deliberazzjonijiet

Artikolu 28

Ferjat

Il-Ħames Kapitolu:

FUQ IS-SISTEMA LINGWISTIKA

Artikolu 29

Sistema lingwistika

Is-Sitt Kapitolu:

FUQ ID-DRITTIJIET U L-OBBLIGI TAR-RAPPREŻENTANTI TAL-PARTIJIET

Artikolu 30

Privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet

Artikolu 31

Funzjoni tar-rappreżentanti tal-partijiet

Artikolu 32

Esklużjoni mill-proċedura

IT-TIENI TITOLU

FUQ IL-PROĊEDURA

L-Ewwel Kapitolu:

FUQ IL-PROĊEDURA BIL-MIKTUB

Artikolu 33

Punti ġenerali

Artikolu 34

Preżentata ta’ atti tal-proċedura

Artikolu 35

Rikors

Artikolu 36

Regolarizzazzjoni

Artikolu 37

Notifika tar-rikors u avviż fil-Ġurnal Uffiċjali

Artikolu 38

Assenjazzjoni inizjali ta’ kawża lil kulleġġ ġudikanti

Artikolu 39

Risposta

Artikolu 40

Trażmissjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni

Artikolu 41

Skambju ieħor ta’ atti bil-miktub

Artikolu 42

Preżentazzjoni ta’ provi ġodda

Artikolu 43

Raġunijiet ġodda

Artikolu 44

Dokumenti u atti – Kunfidenzjalità – Anonimat

Artikolu 45

Rapport preliminari

Artikolu 46

Konnessjoni bejn il-kawżi – Kawżi li jingħaqdu

Artikolu 47

Ordni tas-smigħ tal-kawżi

It-Tieni Kapitolu:

FUQ IL-PROĊEDURA ORALI

Artikolu 48

Żamma tas-seduta

Artikolu 49

Data tas-seduta

Artikolu 50

Assenza tal-partijiet fis-seduta

Artikolu 51

Seduta

Artikolu 52

Għeluq il-proċedura orali

Artikolu 53

Proċess verbal tas-seduta

It-Tielet Kapitolu:

FUQ IL-MIŻURI TA’ ORGANIZZAZZJONI TAL-PROĊEDURA U FUQ IL-MIŻURI ISTRUTTORJI

Artikolu 54

Punti ġenerali

L-Ewwel Taqsima –

Fuq il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

Artikolu 55

Għan u forom ta’ miżuri

Artikolu 56

Proċedura

It-Tieni Taqsima –

Fuq il-miżuri istruttorji

Artikolu 57

Forom ta’ miżuri

Artikolu 58

Proċedura

It-Tielet Taqsima –

Fuq it-Taħrika u l-Eżami tax-Xhieda u tal-Periti

Artikolu 59

Taħrika tax-Xhieda

Artikolu 60

Eżami tax-xhieda

Artikolu 61

Obbligi tax-xhieda

Artikolu 62

Perizja

Artikolu 63

Ġurament

Artikolu 64

Sperġur – Dikjarazzjoni falza tal-perit

Artikolu 65

Rikuża

Artikolu 66

Ħlas lura ta’ l-ispejjeż – Kumpens

Artikolu 67

Ittri Rogatorji

Ir-Raba’ Kapitolu:

FUQ IL-FTEHIM BONARJU DWAR IL-KONTROVERSJI

Artikolu 68

Modalitajiet

Artikolu 69

Ftehim tal-partijiet

Artikolu 70

Ftehim bonarju u proċedura ġudizzjarja

Il-Ħames Kapitolu:

FUQ IS-SOSPENSJONI TAL-PROĊEDURI U FUQ L-ASTENSJONI FAVUR IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA U L-QORTI ĠENERALI

Artikolu 71

Każijiet ta’ sospensjoni u proċedura

Artikolu 72

Tul u effetti tas-sospensjoni

Artikolu 73

Astensjoni

Is-Sitt Kapitolu:

FUQ IR-RINUNZJI GĦALL-ATTI, FUQ ID-DEĊIŻJONIJIET LI M’HEMMX LOK LI TITTIEĦED DEĊIŻJONI U FUQ KWISTJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 74

Rinunzja għall-atti

Artikolu 75

Deċiżjoni li m hemmx lok li tittieħed deċiżjoni

Artikolu 76

Rikors manifestament inammissibbli

Artikolu 77

Inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku

Artikolu 78

Talba għal deċiżjoni mingħajr ma t-Tribunal jidħol fil-mertu tal-kawża

Is-Seba’ Kapitolu:

FUQ IS-SENTENZI U D-DIGRIETI

Artikolu 79

Sentenza

Artikolu 80

Qari tas-sentenza

Artikolu 81

Digriet

Artikolu 82

Adozzjoni tad-digriet

Artikolu 83

Forza legali

Artikolu 84

Korrezzjoni ta’ deċiżjonijiet

Artikolu 85

Nuqqas ta’ deċiżjoni fuq l-ispejjeż

It-Tmien Kapitolu:

FUQ L-ISPEJJEŻ

Artikolu 86

Deċiżjoni fuq l-ispejjeż

Artikolu 87

Allokazzjoni ta’ l-ispejjeż – Regoli ġenerali

Artikolu 88

Spejjeż fiergħa jew vessatorji

Artikolu 89

Allokazzjoni ta’ l-ispejjeż – Każijiet partikolari

Artikolu 90

Spejjeż ta’ infurzar

Artikolu 91

Spejjeż li jistgħu jinġabru

Artikolu 92

Kontestazzjoni fuq l-ispejjeż

Artikolu 93

Ħlas

Artikolu 94

Spejjeż tal-Qorti

Id-Disa’ Kapitolu:

FUQ L-GĦAJNUNA LEGALI

Artikolu 95

Kundizzjonijiet sostantivi

Artikolu 96

Kundizzjonijiet proċedurali

Artikolu 97

Proċedura

Artikolu 98

Pagamenti bil-quddiem – Teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż

L-Għaxar Kapitolu:

FUQ IN-NOTIFIKI

Artikolu 99

Notifiki

Il-Ħdax-il Kapitolu:

FUQ IT-TERMINI

Artikolu 100

Kalkolu tat-termini – Żieda ta’ terminu għal raġunijiet ta’ distanza

Artikolu 101

Proroga – Delega tas-setgħa ta’ firma

IT-TIELET TITOLU

FUQ IL-PROĊEDURI SPEĊJALI

L-Ewwel Kapitolu:

FUQ IS-SOSPENSJONI TA’ L-EŻEKUZZJONI U MIŻURI PROVVIŻORJI OĦRA PERMEZZ TA’ PROĊEDURA SOMMARJA

Artikolu 102

Talba għal miżuri provviżorji

Artikolu 103

Kompetenza tal-President tat-Tribunal

Artikolu 104

Proċedura

Artikolu 105

Deċiżjoni fuq il-miżuri provviżorji

Artikolu 106

Bidla fiċ-ċirkustanzi

Artikolu 107

Talba ġdida

Artikolu 108

Sospensjoni ta’ l-infurzar

It-Tieni Kapitolu:

FUQ L-INTERVENT

Artikolu 109

Talba għal intervent

Artikolu 110

Kundizzjonijiet ta’ l-intervent

Artikolu 111

Stedina għal intervent

It-Tielet Kapitolu:

FUQ L-APPELLI U L-KAWŻI RRINVIJATI WARA LI JIĠU ANNULLATI

Artikolu 112

Kundizzjonijiet ta’ l-appell kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal

Artikolu 113

Rinviju wara annullament – Assenjazzjoni tal-kawża rrinvijata

Artikolu 114

Proċedura ta’ eżami tal-kawża rrinvijata

Artikolu 115

Spejjeż

Ir-Raba’ Kapitolu:

FUQ IS-SENTENZI MOGĦTIJA FIL-KAŻ TA’ KONTUMAĊJA U FUQ L-OPPOŻIZZJONI

Artikolu 116

Proċedura

Il-Ħames Kapitolu:

FUQ IR-RIMEDJI EĊĊEZZJONALI

Artikolu 117

Fuq l-oppożizzjoni minn terzi

Artikolu 118

Fuq l-interpretazzjoni tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal

Artikolu 119

Fuq ir-reviżjoni

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

 

Artikolu 120

Istruzzjonijiet prattiċi tat-Tribunal

Artikolu 121

Pubblikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura

Artikolu 122

Dispożizzjonijiet tranżitorji fuq l-ispejjeż

Wevvej


(1)  ĠU L 225, 29.8.2007, p. 1, b’rettifika fil-ĠU L 69, 13.3.2008, p. 37, bl-emendi ta-14 ta’ Jannar 2009, (ĠU L 24, 28.1.2009, p. 10), u tas-17 ta’ Marzu 2010, (ĠU L 92, 13.4.2010, p. 17).