ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.C_2010.160.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 160

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
19 ta' Ġunju 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

II   Komunikazzjonijiet

 

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 160/01

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi fl-iskema ta' sostenibbiltà tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi fl-UE

1

2010/C 160/02

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tal-iskema ta' sostenibbiltà tal-UE għal bijokarburanti u bijolikwidi u dwar ir-regoli tal-għadd għal bijokarburanti

8

2010/C 160/03

Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata (Każ COMP/M.5866 – Sun Capital/Beauty Business) ( 1 )

17

 

IV   Informazzjoni

 

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 160/04

Rata tal-kambju tal-euro

18

 

INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

2010/C 160/05

Deċiżjoni dwar il-miżura ta' riorganizzazzjoni fir-rigward ta' ARFIN Compagnia di Assicurazioni e Riassicurazioni SpA (Avviż ippubblikat skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta' Marzu 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' impriżi tal-assigurazzjoni)

19

 

V   Avviżi

 

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 160/06

Avviż ta’ tnedija ta' proċediment ta' anti-dumping fir-rigward tal-importazzjoni tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

20

 

ATTI OĦRAJN

 

Il-Kummissjoni Ewropea

2010/C 160/07

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi miżjuda fil-lista msemmija fl-Artikoli 7(1) u 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 532/2010

27

 


 

(1)   Test b’relevanza għaż-ŻEE

MT

 


II Komunikazzjonijiet

KOMUNIKAZZJONIJIET MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

19.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/1


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi fl-iskema ta' sostenibbiltà tal-bijofjuwils u l-bijolikwidi fl-UE

2010/C 160/01

1.   INTRODUZZJONI

Fl-2009, l-UE introduċiet skema ta' sostenibbiltà vinkolanti, li hi l-iktar waħda komprensiva u avvanzata ta' dan it-tip fid-dinja. Id-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli (1) tistabbilixxi dawn il-kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi. Għall-bijofjuwils, id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil (2) tistabbilixxi l-kriterji korrispondenti. Dawn japplikaw għall-bijofjuwils/bijolikwidi prodotti fl-UE u għall-bijofjuwils/bijolikwidi importati. L-Istati Membri huma fid-dmir li jiżguraw li l-kriterji ta' sostenibbiltà qegħdin jintlaħqu mill-operaturi ekonomiċi meta l-bijofjuwils/bijolikwidi jitqiesu għall-finijiet (3) elenkati fid-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli, id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwils, il-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien ambjentali (4) u r-Regolament dwar is-CO2 mill-karozzi tal-passiġġieri (5).

L-iskema ta' sostenibbiltà fiha żewġ għodod li l-mira tagħhom hi li jnaqqsu l-piż amministrattiv li għandhom l-operaturi ekonomiċi.

(1)

Il-possibbiltà li jintużaw “skemi volontarji” rikonoxxuti jew “ftehimiet bilaterali u multilaterali” sabiex ikun jidher li qed tinżamm konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà kollha jew xi wħud minnhom; u wkoll

(2)

Il-possibbiltà li jintużaw il-“valuri awtomatiċi” stipulati fid-Direttiva sabiex ikun jidher li qed tinżamm konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li l-iskemi volontarji jew il-ftehimiet bilaterali u multilaterali konklużi mill-Unjoni fihom dejta preċiża dwar il-kriterji ta' sostenibbiltà. Il-Kummissjoni tista' żżid valuri awtomatiċi għall-metodi ta' produzzjoni ġodda tal-bijofjuwils/bijolikwidi u taġġorna l-valuri eżistenti. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-mod kif il-Kummissjoni fi ħsiebha twettaq id-dmirijiet tagħha sabiex tasal għal dawn id-deċiżjonijiet. Tipprovdi informazzjoni lill-Istati Membri, lill-pajjiżi terzi, lill-operaturi ekonomiċi u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Flimkien ma' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tal-iskema ta' sostenibbiltà tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi fl-UE u dwar ir-regoli li għandhom jitqiesu għall-bijofjuwils (6) li l-għan tagħha hu li tiffaċilita l-implimentazzjoni konsistenti tal-iskema ta' sostenibbiltà.

Din il-Komunikazzjoni tuża n-numri tal-artikoli li hemm fid-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli sabiex tagħmel referenzi għad-dispożizzjonijiet speċifiċi. It-tabella tindika fejn jinsabu d-dispożizzjonijiet korrispondenti għall-bijofjuwils fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwils. Ir-referenzi għad-“Direttiva” f'din il-Komunikazzjoni huma referenzi għad-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli. Fejn hemm dispożizzjonijiet korrispondenti fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwils, dawn japplikaw l-istess għal dik id-Direttiva.

Tabella 1:   Artikoli u annessi msemmijin f'din il-Komunikazzjoni

Id-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli

Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil

l-Artikolu 17: Kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi

l-Artikolu 7b: Kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijokarburanti

l-Artikolu 18: Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi

l-Artikolu 7c: Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti

l-Artikolu 19: Kalkolu tal-impatt tal-gass b'effett serra tal-bijokarburanti u bijolikwidi

l-Artikolu 7d: Kalkolu tal-emissjonijiet ta' gass b'effett serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja mill-bijokarburanti

l-Artikolu 24: Pjattaforma ta' trasparenza (7)

mhux inkluż (8)

l-Artikolu 25: Kumitati

mhux inkluż

Anness V: Regoli għall-kalkolu tal-impatt tal-gass b'effett serra tal-bijokarburanti, bijolikwidi u l-komparaturi tal-karburant fossili tagħhom

Anness IV: Regoli għall-kalkolu tal-emissjonijiet b'effett serra fiċ-ċiklu tal-ħajja mill-bijokarburanti

2.   SKEMI VOLONTARJI

L-operaturi ekonomiċi għandhom juru lill-Istati Membri li l-kriterji ta' sostenibbiltà b'rabta mat-tnaqqis tal-gass b'effett serra, l-art b'valur għoli ta' bijodiversità u l-art li fiha ħażna kbira ta' karbonju (9) jkunu ntlaħqu (10). Huma jistgħu jagħmlu dan bi tliet modi:

(1)

Billi jfornu lill-awtorità nazzjonali rilevanti bid-dejta, konformi mar-rekwiżiti li l-Istat Membru jkun stabbilixxa (“sistema nazzjonali”) (11);

(2)

Billi jużaw “skema volontarja” li l-Kummissjoni tkun irrikonoxxiet għal dan il-għan (12);

(3)

Skont it-termini tal-ftehim bilaterali jew multilaterali konkluż mill-Unjoni mal-pajjiżi terzi u li l-Kummissjoni tkun irrikonoxxiet għal dan il-għan (13).

Skema volontarja għandha tkopri l-kriterji ta' sostenibbiltà li jinsabu fid-Direttiva (14) kollha jew uħud minnhom. Tista' tkopri wkoll kwistjonijiet oħra ta' sostenibbiltà (15) li mhumiex koperti mill-kriterji tad-Direttiva (16).

Meta tintalab tirrikonoxxi skema volontarja, il-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni dwar kemm l-iskema tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti. Il-proċedura ta' valutazzjoni hija stabbilita hawn taħt.

2.1.   Il-proċess tal-valutazzjoni u tar-rikonoxximent

Għall-valutazzjoni tal-iskemi, il-Kummissjoni fi ħsiebha:

Tibda l-proċess ta' valutazzjoni meta tkun intalbet tirrikonoxxi l-iskema;

Tagħmel valutazzjoni tal-iskemi, ikun x'ikun l-oriġini tagħhom, kemm pereżempju jekk ikunu żviluppati minn organizzazzjoni governattiva kif ukoll minn organizzazzjoni privata;

Tagħmel valutazzjoni tal-iskemi, irrelevanti jekk ikunx hemm skema oħra rikonoxxuta li tkopri l-istess tip ta' materja prima għall-industrija, żona, eċċ.;

Tagħmel valutazzjoni ta' skemi skont il-kriterji ta' sostenibbiltà li jinsabu fid-Direttiva (17) u r-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tar-rikonoxximent stabbiliti fit-taqsima li jmiss;

Tagħmel valutazzjoni dwar jekk l-iskemi jistgħux iservu bħala sors ta' dejta preċiża dwar kwistjonijiet oħra ta' sostenibbiltà li mhumiex koperti mill-kriterji ta' sostenibbiltà (18) li jinsabu f'din id-Direttiva (19).

Jekk il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tindika li l-iskemi jkunu ssodisfaw il-kriterji ta' sostenibbiltà u r-rekwiżiti tal-valutazzjoni u tar-rikonoxximent, il-Kummissjoni fi ħsiebha:

Tibda l-proċess (20) li jwassal għall-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni;

Tirrikonoxxi l-iskemi, ikun x'ikun l-oriġini tagħhom, kemm pereżempju jekk ikunu żviluppati minn organizzazzjoni governattiva kif ukoll minn organizzazzjoni privata;

Tirrikonoxxi l-iskemi, irrelevanti jekk ikunx hemm skemi oħra rikonoxxuti li jkopru l-istess tip ta' materja prima għall-industrija, żona, eċċ.;

Bħala regola ġenerali, tirrikonoxxi l-iskemi għall-perjodu massimu awtorizzat ta' 5 snin (21);

Tispeċifika fid-deċiżjoni liema parti(jiet) tal-kriterji ta' sostenibbiltà tad-Direttiva huma koperti minn xi skema;

Tispeċifika fid-deċiżjoni dwar liema kwistjonijiet oħra ta' sostenibbiltà, jekk hemm, l-iskema fiha dejta preċiża (22);

Tirreferi għad-deċiżjoni dwar il-pjattaforma tat-trasparenza tal-Kummissjoni ladarba tkun ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

Jekk il-valutazzjoni tindika li xi skema ma tissodisfax ir-rekwiżiti, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-organizzazzjoni li tkun għamlet it-talba b'dan.

Jekk isiru xi tibdiliet f'xi skema volontarja, wara li tkun ġiet irrikonoxxuta fil-kontenut tagħha b'mod li taffettwa l-bażi tar-rikonoxximent inizjali, il-Kummissjoni tistenna li tkun mgħarrfa dwar dan. Il-Kummissjoni tkun tista' imbagħad tagħmel valutazzjoni dwar jekk ir-rikonoxximent inizjali jibqax validu.

2.2.   Valutazzjoni u rekwiżiti għar-rikonoxximent

Skema volontarja għandha tkopri l-kriterji tas-sostenibbiltà kollha stipulati fid-Direttiva (23) jew parti minnhom. L-iskema jkollha tinkludi sistema ta' verifika (24) li r-rekwiżiti għaliha huma stipulati f'din it-taqsima.

2.2.1.   Ġestjoni tad-dokumentazzjoni

Sabiex jipparteċipaw fl-iskemi volontarji, l-operaturi ekonomiċi għandu:

jkollhom sistema li tista' tivverifika l-evidenza li jkollha x'taqsam mat-talbiet li jagħmlu jew li jkunu bbażati fuqha;

iżommu kwalunkwe evidenza għall-anqas għal 5 snin; u wkoll

jaċċettaw ir-responsabbiltà sabiex iħejju kwalunkwe informazzjoni li jkollha x'taqsam mal-verifika ta' din l-evidenza.

Is-sistema li tista' tiġi vverifikata normalment għandha tkun sistema ta' kwalità li tiffoka fuq il-punti 2 u 5.2 tal-Modulu D1 (“L-assigurazzjoni tal-kwalità tal-proċess ta' produzzjoni”) tal-Anness II għad-Deċiżjoni dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti (25).

2.2.2.   Standard xieraq ta' awditjar indipendenti

Bħala regola ġenerali, skema volontarja għandha tiżgura li ssir verifika tal-operaturi ekonomiċi qabel ma dawn jitħallew jipparteċipaw fl-iskema (26).

Għal dan it-tip ta' awditjar, jista' jsir “awditjar ta' grupp” – b'mod partikolari għall-bdiewa li ġejjin minn azjendi żgħar, organizzazzjonijiet u kooperattivi tal-produtturi. F'dawn il-każijiet, il-verifika għall-unitajiet kollha kkonċernati tista' titwettaq abbażi ta' kampjun ta' unitajiet (27), fejn hu xieraq jitqies standard rilevanti li hu żviluppat għal dan il-għan (28). L-awditjar ta' grupp li jsir sabiex dan ikun konformi mal-kriterji relatati mal-iskema jista' jiġi aċċettat biss meta ż-żoni kollha kkonċernati jkunu viċin xulxin u jkollhom l-istess karatteristiċi. L-awditjar ta' grupp bil-għan li jiġi kkalkulat kemm jista' jiġi ffrankat gass serra jista' jiġi aċċettat biss meta l-unitajiet ikollhom l-istess sistemi ta' produzzjoni u l-istess prodotti.

Barra minn dan, l-iskema volontarja għandha tagħmel arranġamenti sabiex isir awditjar retrospettiv regolari, għall-anqas darba fis-sena ta' kampjun tat-talbiet li jinsabu taħt l-iskema (29). Hija r-responsabbiltà tal-verifikaturi li jiddefinixxu d-daqs tal-kampjun li jħallihom jilħqu l-livell neċessarju ta' kunfidenza sabiex joħorġu rapport tal-verifika.

Għaż-żewġ tipi ta' verifika msemmijin hawn fuq, il-verifikatur li jintgħażel għandu jkun persuna:

esterna: il-verifika ma titwettaqx mill-operatur ekonomiku jew mill-iskema stess;

indipendenti: l-awdituri huma indipendenti mill-attività li tiġi vverifikata u ma għandux ikollhom kunflitt ta' interess;

li jkollha l-ħiliet ġenereċi: il-korp tal-verifika għandu l-ħiliet ġenerali sabiex iwettaq il-verifiki; u wkoll

li jkollha l-ħiliet speċifiċi xierqa: l-awdituri għandhom il-ħiliet neċessarji sabiex tkun konkluża l-verifika li għandha x'taqsam mal-kriterji tal-iskema.

L-iskemi volontarji għandhom, fit-talbiet tagħhom, juru r-rikonoxximent ta' kif se jiżguraw li huma jirrispettaw dawn il-kriterji fil-proċedura tal-għażla tal-verifikatur(i). It-Tabella 2 tindika xi modi kif dan jista' jintwera.

Jaqbel, anke jekk mhux essenzjali li l-awdituri, meta possibbli u fejn hu xieraq, ikunu akkreditati għat-tip ta' kompiti li jwettqu b'rabta mal-awditjar (30).

Tabella 2:   Eżempji ta' kif wieħed jista' juri li l-verifikaturi huma konformi mar-rekwiżiti

L-attribut tal-verifikatur

Rekwiżiti koperti

L-esperjenza li jkun kiseb fit-twettiq tal-verifiki li jkunu konformi mal-istandard tal-ISO Nru 19011 (31) li jistabbilixxi linji gwida għall-kwalità u/jew verifiki tas-sistemi ta' ġestjoni ambjentali.

Indipendenza

Ħiliet ġeneriċi

Ħiliet speċifiċi marbutin mal-kriterji tad-Direttiva u kwistjonijiet oħra ambjentali

L-akkreditazzjoni skont l-istandard ISO 14065 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-validazzjoni tal-gass serra u l-korpi ta' verifikazzjoni għall-użu sabiex issir l-akkreditazzjoni jew xi forom oħra ta' rikonoxximent (32).

Indipendenza

Ħiliet ġeneriċi

Ħiliet speċifiċi marbutin mad-dikjarazzjonijiet dwar il-gassijiet serra.

L-esperjenza li jkun kiseb fit-twettiq tal-verifiki li jkunu konformi mal-istandard tal-ISO 14064-3 li jistabbilixxi speċifikazzjoni u gwida sabiex issir il-validazzjoni u l-verifika tad-dikjarazzjonijiet dwar il-gassijiet serra.

Indipendenza

Ħiliet ġeneriċi

Ħiliet speċifiċi marbutin mad-d-dikjarazzjonijiet dwar il-gassijiet serra.

L-esperjenza li jkun kiseb fit-twettiq tal-verifiki li jkunu konformi mal-Istandard Internazzjonali dwar l-Ingaġġi għall Assikurazzjoni (ISAE) 3000 fir-rigward tal-ingaġġi għall-assikurazzjoni għajr verifiki jew analiżi tal-informazzjoni storika finanzjarja.

Indipendenza

Ħiliet ġeneriċi

L-akkreditazzjoni skont l-istandard ISO Guide 65 (33) li jistabbilixxi rekwiżiti ġenerali għall-korpi li joperaw sistemi li jiċċertifikaw il-prodotti (34).

Indipendenza

Ħiliet ġeneriċi

It-talbiet li jsiru lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent għandhom juru li l-verifiki se jitħejjew, jitwettqu u li se jsir rapport dwarhom kif xieraq. Dawn normalment jinkludu li l-awditur:

Jidentifika l-attivitajiet imwettqin mill-operatur ekonomiku li jkunu rilevanti għall-kriterji tal-iskema;

Jidentifika s-sistemi rilevanti tal-operatur ekonomiku u l-organizzazzjoni kumplessiva tiegħu fir-rigward tal-kriterji tal-iskema u jiċċekkja l-implimentazzjoni effettiva tas-sistemi rilevanti tal-kontroll;

Jistabbilixxi għall-anqas “livell ta' assigurazzjoni limitat” (35) fil-kuntest tan-natura u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-operatur ekonomiku;

Janalizza r-riskji li jistgħu jwasslu għal stqarrija falza materjali, imsejsa fuq l-għarfien professjonali tal-verifikatur u fuq l-informazzjoni kif ippreżentata mill-operatur,

Ifassal pjan ta' verifikazzjoni li jkun jikkorrespondi mal-analiżi tar-riskju u l-ambitu tal-kumplessità tal-attivitajiet tal-operatur ekonomiku, u li jiddefinixxi l-metodi ta' kif għandhom jittieħdu l-kampjuni li għandhom jintużaw fir-rigward tal-attivitajiet tal-operatur;

Iwettaq il-pjan tal-verifika billi jiġbor evidenza skont il-metodi definiti ta' kif għandhom jittieħdu l-kampjuni, kif l-evidenza rilevanti addizzjonali kollha, li l-konklużjoni tal-verifika li jagħti l-verifikatur għandha tkun ibbażata fuqhom;

Jitlob lill-operatur sabiex jipprovdi xi elementi li kienu nieqsa fis-sensiela tal-verifika, jispjega l-varjazzjonijiet, jew jirrevedi l-kalkoli, qabel ma jasal għall-konklużjoni tal-verifika finali.

2.2.3.   Sistema ta' bilanċ tal-massa

Tipikament, il-bijofjwils/bijolikwidi għandhom katina tal-produzzjoni b'ħafna ħoloq, mill-post fejn jinsab il-fjuwil sakemm jiġi distribwit. Il-materja prima għall-industrija normalment tiġi trasformata fi prodott intermedju u mbagħad fi prodott finali. Iż-żamma tal-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva għandha tintwera fir-rigward tal-prodott finali. Għal dan il-għan, hemm bżonn li jsiru talbiet dwar il-materja prima u/jew il-prodotti użati.

Il-metodu li permezz tiegħu ssir konnessjoni bejn l-informazzjoni u t-talbiet li jikkonċernaw il-materja prima jew il-prodotti intermedjarji u t-talbiet dwar il-prodotti finali hu magħruf bħala l-katina ta' informazzjoni li permezz tagħha jiġi traċċat il-metodu. Il-katina ta' informazzjoni li permezz tagħha jiġi traċċat il-metodu normalment tinkludi l-fażijiet kollha tal-produzzjoni tal-materja prima għall-industrija sakemm dan il-fjuwil jinħareġ għall-konsum. Il-metodu stipulat fid-Direttiva għall-katina ta' informazzjoni li permezz tagħha jiġi traċċat huwa l-metodu ta' bilanċ tal-massa (36).

L-iskema volontarja għandha tirrikjedi verifika tas-sistema ta' bilanċ tal-massa li għandha titwettaq simultanjament mal-verifika tal-korretezza sabiex jiġu ssodisfati l-kriterji tal-iskema (37). Dan għandu jinkludi l-verifika ta' kwalunkwe evidenza jew sistemi użati bil-għan li jkunu konformi mar-rekwiżiti tas-sistema ta' bilanċ tal-massa.

Is-sistema ta' bilanċ tal-massa (38) hija sistema li fiha l-“karatteristiċi ta' sostenibbiltà” jibqgħu assenjati għal “kunsinni”. Il-karatteristiċi tas-sostenibbiltà jistgħu jinkludu pereżempju:

Evidenza li turi li qed tinżamm konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fid-Direttiva; u/jew

Stqarrija li l-materja prima użata kienet miksuba b'tali mod li hu konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà tal-art li jinsabu fid-Direttiva; u/jew

Ċifra li tikkorrispondi għall-emissjonijiet tal-gass serra; u/jew

Deskrizzjoni tal-materja prima użata (39); u/jew

L-istqarrija “il-produzzjoni ngħatat ċertifikat tat-tip X mill-iskema volontarja rikonoxxuta Y”; eċċ.

Il-karatteristiċi ta' sostenibbiltà għandhom jinkludu informazzjoni dwar il-pajjiż tal-oriġini tal-materja prima ħlief għall-bijofjuwils (40).

Meta l-kunsinni li jkollhom karatteristiċi ta' sostenibbiltà differenti (jew li ma jkollhomx karatteristiċi ta' sostenibbiltà) ikunu mħalltin (41), id-daqsijiet separati (42) u l-karatteristiċi ta' sostenibbiltà ta' kull kunsinna jibqgħu assenjati mat-taħlita (43). Jekk xi taħlita tiġi sseparata, kwalunke kunsinna li tittieħed minnha tista' tiġi assenjata kwalunkwe sett ta' karettistiċi ta' sostenibbiltà (44) (akkumpanjati mad-daqsijiet) sakemm il kombinazzjoni tal-kunsinni kollha li toħroġ mit-taħlita tkun tal-istess daqsijiet għal kull sett ta' karatteristiċi ta' sostenibbiltà li kienu jinsabu fit-taħlita. “Taħlita” jista' jkollha kwalunkwe forma li fiha l-kunsinni normalment ikunu f'kuntatt, bħal f'kontejner, fi proċess jew f'faċilità jew sit loġistiku jew ta' proċessar (definiti bħala lokazzjoni ġeografika bil-limiti preċiżi li fiha l-prodotti jistgħu jitħalltu).

Il-bilanċ fis-sistema jista' jkun kontinwu fiż-żmien, jiġifieri f'dan il-każ mhux meħtieġ li jsir xi “defiċit” li jfisser, li f'ħin partikolari jkun tneħħa iktar materjal sostenibbli meta mqabbel ma' dak li jkun żdied. Minflok, il-bilanċ jista' jintlaħaq fuq perjodu xieraq ta' żmien u jiġi vverifikat b'mod regolari. Fiż-żewġ każijiet, hu neċessarju li jkunu implimentati l-arranġamenti xierqa sabiex ikun żgurat li l-bilanċ jiġi mħares.

2.3.   Skemi volontarji mhux tipiċi

It-Taqsima 2.2 tiddeskrivi r-rekwiżiti li l-Kummissjoni bi ħsiebha tagħmel valutazzjoni tagħhom sabiex tirrikonoxxi l-iskemi volontarji “tipiċi” li jkopru direttament waħda jew iktar mill-kriterji tad-Direttiva. Skemi “mhux tipiċi” jista' jkollhom forom differenti bħal ngħidu aħna mapep li juru li ċerti żoni ġeografiċi huma jew mhumiex konformi mal-kriterji, l-għodod tal-kalkolu li jivvalutaw it-tnaqqis tal-gass serra jew tal-valuri tal-gass serra agrikoli reġjonali assoċjati ma' materja prima għall-industrija partikolari. Għal dawn l-iskemi, il-Kummissjoni se tiddetermina proċedura xierqa ta' valutazzjoni meta tirċievi talba għar-rikonoxximent ta' skema bħal din. Il-Kummissjoni se tqis jekk il-prinċipji u r-rekwiżiti msemmijin hawn fuq għandhomx jiġu applikati jew inkella jekk hux neċessarju li jiġu adottati approċċi differenti.

2.4.   Aġġornament

Peress li l-esperjenza tinkiseb biss ladarba jkunu bdew isiru l-valutazzjonijiet, il-flessibbiltà tista' tkun neċessarja. Il-Kummissjoni tista' tirrevedi l-proċedura stipulata hawn taħt, imsejsa fuq l-esperjenza li tkun qiegħda dejjem tkompli tinkiseb jew fuq l-iżviluppi fis-suq, inkluż ix-xogħol li jsir mill-korpi tal-istandardizzazzjoni. F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni bi ħsiebha tagħmel referenza kif xieraq għall-pjattaforma tat-trasparenza.

2.5.   Skemi volontarji għall-bijolikwidi

Għall-bijolikwidi, il-Kummissjoni ma tistax tirrikonoxxi b'mod espliċitu skema volontarja bħala sors ta' dejta preċiża għall-kriterji relatati mal-art (45). Madankollu, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li xi skema volontarja tipprovdi dejta preċiża fejn il-bijofjuwils huma kkonċernati, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jaċċettaw dawn l-iskemi bl-istess mod għall-bijolikwidi.

2.6.   Rikonoxximent tal-ftehimiet bilaterali jew multilaterali

L-Unjoni tista' tikkonkludi ftehimiet bilaterali jew multilaterali ma' pajjiżi terzi li jkun fihom dispożizzjonijiet dwar il-kriterji ta' sostenibbiltà li jikkorrispondu ma' dawk li jissemmew fid-Direttiva (46). Ftehim bħal dan, wara li jiġi konkluż, xorta waħda hemm bżonn li jiġi rikonoxxut għall-finijiet tad-Direttiva bl-istess mod għall-iskemi volontarji (47). Dan il-proċess jista' jieħu inkonsiderazzjoni l-partijiet rilevanti tat-taqsima 2.2.2.

3.   VALURI AWTOMATIĊI

Id-Direttiva tinkludi “valuri awtomatiċi” li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jużaw sabiex juru li huma konformi mal-kriterji ta' sostenibbilta dwar it-tnaqqis tal-gass serra. Dan għandu jnaqqas il-piż amministrattiv lill-operaturi ekonomiċi, minħabba li l-kumpaniji se jkunu jistgħu jagħżlu dawn il-valuri predeterminati minflok ma jikkalkulaw valur attwali (48). Il-valuri awtomatiċi huma ffissati f'livell konservattiv li jagħmilha improbabbli għall-operaturi ekonomiċi – billi jużaw il-valuri awtomatiċi – li jiddikjaraw valuri li jkunu aħjar mill-valur attwali tagħhom. Il-valuri awtomatiċi jistgħu jiġu aġġornati skont il-progress tekniku u xjentifiku li jsir (49).

3.1.   Sfond dwar il-kalkolu tal-valuri awtomatiċi

Il-valuri awtomatiċi fid-Direttiva huma msejsa fuq tliet elementi: sett ta' dejta xjentifika, il-metodoloġija fid-Direttiva (50); u regola għat-trasformazzjoni tal-valuri tipiċi f'valuri awtomatiċi. Id-dejta xjentifika għall-mod ta' kif jiġi prodott bijofjuwil/bijolikwidu partikolari tiġi pproċessata skont il-metodoloġija użata għall-produzzjoni ta' valur tipiku tal-proċess. Fattur ta' + 40 % japplika għall-emissjonijiet mill-element “ta' proċessar” sabiex il-valuri tipiċi jiġu trasformati f'valuri awtomatiċi konservattivi. L-ebda fattur bħal dan ma japplika għat-“trasport u d-distribuzzjoni”, minħabba li l-kontribut tiegħu għall-emissjonijiet kumplessivi huwa żgħir (51). Lanqas ma japplika l-fattur għall-“kultivazzjoni”, minħabba li hawn il-kwistjoni tal-konservatiżmu hija indirizzata minn ċerti restrizzjonijiet fuq l-użu tal-valuri awtomatiċi (52).

3.2.   Aġġornamenti u żidiet tal-valuri awtomatiċi fil-ġejjieni

Id-dejta xjentifika tinġabar minn esperti indipendenti (53) u tiġi ppubblikata fuq is-sit taċ-ĊKR (54). Wieħed għandu jagħmel kuntatt dirett mal-esperti biex jikkummenta dwar id-dejta u jibgħat stqarrijiet xjentifiċi ġġustifikati. B'hekk id-dejta tista' tiġi rriveduta kif xieraq waqt iċ-ċiklu ta' aġġornamenti li jmiss (55).

Id-Direttiva fiha kemm:

“proċessi ġenerali”, jiġifieri proċessi li huma kkaratterizzati mit-tip ta' materja prima għall-industrija u t-tip ta' bijofjuwil/bijolikwidu, bħalma hu l-“etanol tal-pitrava taz-zokkor”; u wkoll

“proċessi speċifiċi”, jiġifieri proċessi li huma kkaratterizzati minn deskrizzjoni iktar speċifika mill-proċessi ġenerali, bħalma hu l-“etanol tal-qamħ (tiben bħala fjuwil ta' proċess f'impjant CHP)”.

Il-Kummissjoni bi ħsiebha tinkludi l-valuri awtomatiċi għall-proċessi addizzjonali jekk:

dawn ikollhom importanza fis-suq tal-UE u għall-anqas jeżisti impjant jew proċess wieħed; jew inkella proċess ġenerali kredibbli li mistennij jintuża għall-UE fil-ġejjieni qarib; u wkoll

hemm dejta disponibbli rilevanti ta' kwalità u ċertezza sodisfaċenti skont l-esperti indipendenti.

Sabiex jiġu introdotti proċessi speċifiċi, il-Kummissjoni bi ħsiebha tqis żewġ kriterji addizzjonali:

jekk id-differenza bejn il-valuri awtomatiċi għall-proċessi speċifiċi u dawk ġenerali hijiex kbira fid-daqs; u wkoll

(fil-każ ta' proċessi speċifiċi b'valuri awtomatiċi ta' tnaqqis ta' gass serra inqas mill-valuri tal-proċess ġenerali) jekk hu stmat li għall-anqas waħda minn kull għaxar kunsinni tal-UE tal-proċess ġenerali tal-bijofjuwil/bijolikwidu kkonċernat hijiex prodotta permezz tal-prattiki użati li jwasslu għal emissjonijiet li jkunu ikbar minn dawk indikati mill-valur awtomatiku għal dak il-proċess ġenerali.

Il-Kummissjoni mhijiex bi ħsiebha tintroduċi l-valuri awtomatiċi għall-proċessi speċifiċi skont l-oriġini ġeografiku ta' minn fejn tiġi l-materja prima jew minn fejn jiġu prodotti l-bijofjuwils/bijolikwidi, imma skont il-prattiċi, teknoloġiji speċifiċi, eċċ.

Il-Kummissjoni bi ħsiebha taġġorna/żżid l-valuri awtomatiċi, jekk xieraq, kull sentejn li jibdew mill-2010 u sussegwentament flimkien mar-rapport meħtieġ li l-Kummissjoni għandha tħejji fl-2012 u kull sentejn minn hemm ’il quddiem dwar il-valuri awtomatiċi għall-bijofjuwils tal-ġejjieni (56). Madankollu, l-aġġornamenti jistgħu jsiru fil-perjodu intermedju jekk iċ-ċirkostanzi jkunu jitolbu hekk. Hi u tħejji dan, il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni ta' proċessi speċifiċi, kif stabbilit hawn fuq, humiex issodisfati. Il-proċess għall-partijiet interessati sabiex jissuġġerixxu l-emenda tal-proċessi jew proċessi ġodda huwa l-istess bħall-proċess għall-kummenti dwar id-dejta (ara hawn fuq).

4.   KONKLUŻJONIJIET

Fl-2009, l-UE introduċiet skema ta' sostenibbiltà vinkolanti, li hi l-iktar waħda komprensiva u avvanzata ta' dan it-tip fid-dinja. F'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni indikat kif fi ħsiebha taġixxi, fis-snin li ġejjin, permezz ta' żewġ għodod tal-iskema ta' sostenibbiltà li huma mfassla biex inaqqsu l-piż amministrattiv għall-operaturi ekonomiċi: il-valutazzjoni u r-rikonoxximent ta' skemi volontarji u ftehimiet bilaterali u multilaterali; u ż-żieda u l-aġġornament ta' valuri awtomatiċi. Dan għandu jiffaċilita t-tħaddim tal-iskema ta' sostenibbiltà. L-iskemi volontarji jista' jkollhom impatt ikbar fis-swieq tal-merkanzija milli fil-bijofjuwils u bijolikwidi, u potenzjalment, bħala effett sekondarju, isaħħu l-produzzjoni sostenibbli tal-materja prima fis-settur agrikolu. Il-ftehimiet bilaterali jew multilaterali jistgħu jsaħħu dan iktar. Għajr dawn il-proċessi li ġew adottati mill-politika l-ġdida tal-UE dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, il-Kummissjoni se taħdem ukoll permezz tal-fora internazzjonali li hi attiva fil-promozzjoni tal-kriterji ta' sostenibbiltà f'livell globali.


(1)  Direttiva 2009/28/KE.

(2)  Direttiva 98/70/KE kif emendata mid-Direttiva 2009/30/KE.

(3)  Iktar dettalji jinsabu http://ec.europa.eu/energy/renewables/transparency_platform_en.htm

(4)  ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009.

(6)  Ara paġna 8 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  Dan jinsab fuq l-internet: http://ec.europa.eu/energy/renewables/transparency_platform_en.htm

(8)  Meta d-dokumenti jkunu rilevanti għad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil, il-Kummissjoni fi ħsiebha tippubblikahom ukoll fuq is-sit tal-internet tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil.

(9)  Artikolu 17(2)-(5).

(10)  Artikolu 18(1).

(11)  Artikolu 18(3).

(12)  Artikolu 18(4) it-tieni subparagrafu; Artikolu 18(7).

(13)  Artikoli 18(4) l-ewwel subparagrafu; Artikolu 18(7).

(14)  L-iskemi volontarji mhumiex mistennija jkopru l-kriterji b'rabta mar-rekwiżiti agrikoli u ambjentali u l-istandards għall-bdiewa li ġejjin mill-UE (Artikolu 17(6)). Ara t-Taqsima 2.2 tal-Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tal-iskema ta' sostenibbiltà.

(15)  Din tista' tinkludi l-kwistjonijiet imsemmijin fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 18(4).

(16)  L-Madankollu, l-Istati Membri ma jistgħux jużaw l-inklużjoni ta' dawn il-kwistjonijiet ta' sostenibbiltà fi skema volontarja bħala raġuni li għaliha l-bijofjuwils/bijolikwidi li mhumiex koperti mill-iskema ma jitqisux fl-iskema jekk dawk il-bijofjuwils/bijolikwidi jissodisfaw il-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fid-Direttiva.

(17)  Organizzazzjonijiet li jibagħtu t-talbiet tagħhom huma mitluba jindikaw għal liema kriterji (jew xi aspett b'rabta magħhom) li hemm fl-Artikoli 17(2)–5 u għal liema informazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li għad trid tittieħed kif imsemmi fl-Artikolu 18(3) it-tielet subparagrafu qegħdin jitolbu biex jiġu rikonoxxuti.

(18)  Ara l-Artikolu 18(4), it-tieni subparagrafu. L-organizzazzjonijiet li jagħmlu t-talbiet tagħhom huma mitluba jindikaw jekk dawn l-affarijiet humiex koperti bl-iskema li jkunu bagħtu.

(19)  Skont ma jkun fattibbli, il-Kummissjoni tista' ma tagħmilx dan immedjatament, imma għandha l-ħsieb li tagħmel dan mill-iktar fis possibbli.

(20)  Billi tinvolvi l-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u l-Bijolikwidi stabbilit bl-Artikolu 25(2).

(21)  Artikolu 18(6).

(22)  Għall-anqas b'rabta ma' dawk imsemmijin fl-Artikolu 18(4) it-tieni subparagrafu.

(23)  Ara n-nota [15] ta' qiegħ il-paġna.

(24)  It-termini “awditjar”/“awditur” u “verifika”/“verifikatur” jitqiesu li għandhom l-istess tifsira f'din il-Komunikazzjoni.

(25)  Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.

(26)  Jista' jkun hemm eċċezzjonijiet għal din ir-regola minħabba l-karattru partikolari ta' ċerti skemi (pereżempju, skemi li jkunu jikkonsistu biss minn valuri standard għall-kalkoli tal-gassijiet serra); f'dawn il-każijiet, dan għandu jiġi spjegat sew meta l-iskema titressaq biex tiġi rikonoxxuta.

(27)  Hija r-responsabbiltà tal-verifikaturi sabiex jiddefinixxu d-daqs tal-kampjun li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq il-livell neċessarju ta' kunfidenza.

(28)  Eż. International Social and Environmental Accreditation and Labelling Alliance (ISEAL) standard P035 li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Komuni għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Gruppi ta' Produtturi.

(29)  L-operaturi ekonomiċi inklużi fil-kampjun għandhom ivarjaw minn perjodu għal ieħor.

(30)  Din l-akkreditazzjoni ssir mill-membri tal-Forum Internazzjonali tal-Akkreditazzjoni, mill-korpi msemmijin fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u mill-korpi li għandhom ftehim bilaterali mal-Kooperazzjoni Ewropea tal-Akkreditazzjoni.

(31)  Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni

(32)  L-akkreditazzjoni skont dan l-istandard spiss tinkludi fl-istess ħin l-akkreditazzjoni skont “programm dwar il-gass serra” speċifiku, bħal ngħidu aħna l-Iskema Ewropea dwar in-Negozjar tal-Emissjonijiet. F'dan il-każ, kwalunkwe rekwiżiti oħra ta' dak il-programm ma għandhomx għalfejn jitqiesu għall-finijiet f'din it-tabella. Ma għandhomx jitqiesu meta jkun hemm kunflitt mad-Direttiva.

(33)  L-istandard Ewropew ekwivalenti hu EN 45011.

(34)  L-akkreditazzjoni skont dan l-istandard normalment tinkludi fl-istess ħin l-akkreditazzjoni skont rekwiżiti speċifiċi marbutin ma' prodott, per eżempju. F'dan il-każ, kwalunkwe rekwiżiti oħra ta' dak il-programm ma għandhomx għalfejn jitqiesu għall-finijiet f'din it-tabella. Ma għandhomx jitqiesu meta jkun hemm kunflitt mad-Direttiva.

(35)  “Livell ta' assigurazzjoni limitat” timplika inqas riskju għal livell aċċettabbli bħala l-bażi għal forma negattiva ta' espressjoni mill-awditur bħal ngħidu aħna “imsejsa fuq il-valutazzjoni li għamilna, xejn ma deher li jwassalna biex nemmnu li hemm żbalji fl-evidenza”, filwaqt li “livell ta' assigurazzjoni raġonevoli” timplika inqas riskju għal livell aċċettabbilment baxx bħala l-bażi għal forma pożittiva ta' espressjoni bħal ngħidu aħna “imsejsa fuq il-valutazzjoni tagħna, l-evidenza ma fihiex stqarrijiet żbaljati materjali”. (Ara ISEA 3000).

(36)  Artikolu 18(1).

(37)  Skema volontarja mhux se tkun teħtieġ dan meta tkun tkopri biss rabta waħda fil-katina (eż. il-post fejn tiġi prodotta l-materja prima).

(38)  Skont l-Artikolu 18(1).

(39)  Eż. sabiex jintalab valur awtomatiku.

(40)  Ara l-Artikolu 7a(1)(a) tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil.

(41)  Meta kunsinni bl-istess karatteristiċi ta' sostenibbiltà jitħalltu, id-daqs biss tal-kunsinna hija aġġustata skont dan. Il-karatteristiċi ta' sostenibbiltà aktarx ikunu l-istess meta tintuża l-istess materja prima għall industrija u jintużaw “il-valuri awtomatiċi” jew “il-valuri attwali reġjonali”.

(42)  Meta jkun hemm xi pass fil-proċess jew xi telf, għandhom jintużaw fatturi ta' konverżjoni xierqa sabiex jiġi aġġustat id-daqs ta' kunsinna b'mod xieraq.

(43)  Għalhekk, jekk il-karatteristiċi jinkludu ċifri differenti dwar l-emissjonijiet tal-gass serra jibqgħu separati; ma tistax tittieħed il-medja ta' dawn iċ-ċifri bil-għan li tintwera l-konformità mar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà.

(44)  Dan ifisser li meta “karatteristika ta' sotenibbiltà” tkun id-deskrizzjoni tal-materja prima għall-industrija, eż. “iż-żerriegħa tal-kolza”, din il-karatteristika tista' tkun differenti minn dak li l-kunsinna hi magħmula minnu fiżikament, eż. taħlita ta' żerriegħa tal-kolza u żejt magħmul mill-ġirasol.

(45)  Ara l-Artikolu 18(4) u tismija tal-Artikoli 17(3)–17(5) fih.

(46)  Il-mekkaniżmu għall-Unjoni sabiex jiġi konkluż ftehim internazzjonali huwa stabbilit fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(47)  Artikolu 18(4).

(48)  Artikolu 19(1).

(49)  Artikolu 19(7).

(50)  L-Anness V, il-parti C.

(51)  Ara l-Artikolu 19(7)(a).

(52)  Artikolu 19(2)-19(4).

(53)  L-Istitut għall-Ambjent u s-Sostenibbiltà taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (ĊKR), bħala parti mill-Konsorzju JEC (konsorzju magħmul miċ-Ċentri Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, l-assoċjazzjoni tal-prodotturi għar-Riċerka u l-Iżvilupp fl-Ewropa fis-settur tal-karozzi u l-assoċjazzjoni tal-kumpaniji Ewropej tar-raffinar taż-żejt għall-ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent (CONCAWE)).

(54)  http://re.jrc.ec.europa.eu/biof/html/input_data_ghg.htm Il-Kummissjoni bi ħsiebha tippubblika, abbażi tal-pjattaforma tat-trasparenza tagħha, spreadsheet li turi l-kalkoli tal-valuri awtomatiċi msejsin fuq dik id-dejta.

(55)  Ara l-Premessa 83 tad-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli.

(56)  Dawk inklużi fl-Anness V fil-partijiet B u E; Ara l-Artikolu 19(5).


19.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/8


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni prattika tal-iskema ta' sostenibbiltà tal-UE għal bijokarburanti u bijolikwidi u dwar ir-regoli tal-għadd għal bijokarburanti

2010/C 160/02

1.   L-ISKEMA TA' SOSTENIBBILTÀ TAL-UE GĦAL BIJOKARBURANTI U BIJOLIKWIDI

Bil-politika l-ġdida tal-UE dwar l-enerġija minn sorsi rinnovabbli, l-UE introduċiet l-aktar skema komprensiva u avvanzata vinkolanti tat-tip tagħha fid-dinja kollha. Din se tapplika għall-bijokarburanti u bijolikwidi prodotti domestikament u dawk importati. Dawn il-kriterji ta' sostenibbiltà huma stipulati fid-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli, adottata fl-2009. (1) Għall-bijokarburanti, id-direttiva dwar il-kwalità tal-fjuwil tistabbilixxi l-kriterji korrispondenti. (2)

Din il-Komunikazzjoni tistipula kif l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi jistgħu jimplimentaw fil-prattika l-kriterji ta' sostenibbiltà u r-regoli tal-għadd għal bijokarburanti Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli. Din il-Komunikazzjoni mhijiex ta' natura vinkolanti. Hija mfassla sabiex tassisti lill-Istati Membri u biex tiffaċilita l-implimentazzjoni konsistenti tal-kriterji ta' sostenibbiltà. Hija akkumpanjata minn Komunikazzjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi u minn linji gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ħażniet tal-karbonju tal-art.

1.1.   Daħla għal din il-Komunikazzjoni

Il-kriterji ta' sostenibbiltà japplikaw għall-bijokarburanti/bijolikwidi prodotti fl-UE u għall-bijokarburanti/bijolikwidi importati.

L-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw li l-kriterji ta' sostenibbiltà jintlaħqu meta l-bijokarburanti/bijolikwidi:

(1)

jistgħu jingħaddu biex jintlaħqu l-miri tagħhom tal-enerġija rinnovabbli skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (3);

(2)

jintużaw għall-konformità mal-obbligi tal-enerġija rinnovabbli (4);

(3)

jirċievu appoġġ finanzjarju għall-konsum tagħhom (5);

(4)

jgħinu biex tintlaħaq il-mira tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburant għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra (il-bijokarburanti biss) (6);

(5)

jirċievu investiment u/jew għajnuna operattiva skont il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien tal-ambjent (il-bijokarburanti biss) (7);

(6)

jitqiesu skont id-dispożizzjonijiet għall-vetturi li jaħdmu b'karburant alternattiv tar-Regolament dwar is-CO2 minn vetturi tal-passiġġieri (“E85” bijoetanol biss) (8).

Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata bil-linji gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-ħażniet tal-karbonju tal-art (9) – dokument vinkolanti adottat skont il-punt 10 tal-Anness V għad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli; u b'Komunikazzjoni dwar l-iskemi volontarji u l-valuri awtomatiċi (10).

Din il-Komunikazzjoni tuża n-numri tal-artikoli tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli biex tirreferi għal dispożizzjonijiet speċifiċi. It-tabella tindika fejn jinsabu id-dispożizzjonijiet korrispondenti għal bijokarburanti fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti. Ir-referenzi f'din il-Komunikazzjoni għal “id-Direttiva” jirreferu għad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Meta d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti jkollha dispożizzjoni korrispondenti, japplikaw ugwalment għal dik id-Direttiva.

Tabella:   Artikoli u annessi msemmija f'din il-Komunikazzjoni

Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli

Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti

Artikolu 2: Definizzjonijiet

mhux inkluż

Artikolu 5: Kalkolu tas-sehem ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli

mhux inkluż

Artikolu 17: Kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi

Artikolu 7b: Kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijokarburanti

Artikolu 18: Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u bijolikwidi

L-Artikolu 7c: Verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti

Artikolu 19: Kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-bijokarburanti u bijolikwidi oħra

Artikolu 7d: Kalkolu tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja mill-bijokarburanti

Artikolu 21: Dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-enerġija minn sorsi rinnovabbli għat-trasport

mhux inkluż

Artikolu 24: Pjattaforma ta' trasparenza (11)

mhux inkluż  (12)

Anness III: Kontenut ta’ enerġija fil-karburanti għat-trasport

mhux inkluż

Anness V: Regoli għall-kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-bijokarburanti, bijolikwidi u l-komparaturi tal-karburant fossili tagħhom

Anness IV: Regoli għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tul fiċ-ċiklu tal-ħajja mill-bijokarburanti

2.   AMBITU U APPLIKAZZJONI TAL-KRITERJI TA' SOSTENIBBILTÀ

Id-Direttiva fiha l-kriterji ta' sostenibbiltà relatati mal-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra (13), l-art b’valur għoli ta’ bijodiversità (14), l-art b’ħażna għolja ta’ karbonju (15) u l-prattiki agroambjentali (16). Dawn il-kriterji ta' sostenibbiltà jridu jintlaħqu għall-finijiet elenkati fit-Taqsima 1. Dan ifisser li l-kriterji ma japplikawx għal bijokarburanti/bijolikwidi kollha, imma għal dawk biss li huma koperti b'dawn il-finijiet – għalkemm attwalment dawn jinkludu l-maġġoranza l-kbira tagħhom.

2.1.   Kriterji relatati mal-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra u mal-art

L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-operaturi ekonomiċi biex juru li l-bijokarburanti u l-bijolikwidi konċernati huma konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà relatati mal-iffrankar ta' gassijiet b'effett ta' serra u mal-art (17). L-operaturi ekonomiċi għandhom tliet metodi biex iwettqu dan:

(1)

Billi jipprovdu lill-awtorità nazzjonali rilevanti b'dejta, f'konformità mar-rekwiżiti li l-Istati Membri stipulaw (“sistema nazzjonali”; l-Istati Membri kollha għandhom jipprovdu waħda) (18);

(2)

Bl-użu ta' “skema volontarja” li l-Kummissjoni rrikonoxxiet għal dan il-fini (19);

(3)

Skont it-termini ta' ftehim bilaterali jew multilaterali konkluż mill-Unjoni u li l-Kummissjoni rrikonoxxiet għal dan il-fini (20).

Jistgħu jintużaw metodi differenti biex tintwera l-konformità ma' kriterji differenti.

L-Istati Membri jeħtieġ li jiddefinixxu liema huma l-operaturi ekonomiċi li jeħtieġ li jippreżentaw it-tagħrif konċernat. Il-biċċa l-kbira tal-karburanti huma soġġetti għad-dazju tas-sisa li jitħallas meta jinħareġ għall-konsum (21). L-għażla ovvja hi li r-responsabbiltà għall-preżentazzjoni tat-tagħrif dwar il-bijokarburanti titqiegħed fuq l-operatur ekonomiku li jħallas id-dazju. F'dan il-waqt it-tagħrif fir-rigward tal-kriterji ta' sostenibbiltà tul il-katina kollha tal-karburanti għandu jkun disponibbli (22).

Għall-bijolikwidi u għal ċerti bijokarburanti, eż. dawk użati fil-flotot jew mezzi tal-avjazzjoni li jkollhom rotta stabbilita, jistgħu jkunu meħtieġa dispożizzjonijiet separati biex jiġi identifikat l-operatur ekonomiku responsabbli.

L-Istati Membri għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jagħmlu arranġamenti għal standard xieraq ta' verifika indipendenti tat-tagħrif ippreżentat (23). Meta l-operaturi ekonomiċi jużaw skema volontarja jew ftehim bilaterali/multilaterali rikonoxxut mill-Kummissjoni biex juru l-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà, din tkun diġà twettqet permezz tar-rikonoxximent. Meta l-operaturi ekonomiċi jsegwu proċedura stipulata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri jkunu mistiedna li jagħmlu użu mir-rekwiżiti fir-rigward tal-istandard ix-xieraq ta' verifika indipendenti u s-sistema ta' bilanċ tal-massa (24) fit-Taqsima 2.2 tal-Komunikazzjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi (25).

2.2.   Rekwiżiti agrikoli u ambjentali u standards għall-bdiewa tal-UE  (26)

Il-kriterju relatat mar-rekwiżiti u l-istandards agrikoli u ambjentali għall-bdiewa tal-UE japplika biss għall-bijokarburanti/bijolikwidi prodotti minn materja prima li toriġina mill-UE. B'differenza mill-kriterji l-oħra, il-verifika ta' konformità għal dan il-kriterju mhijiex indirizzata fid-Direttiva (27). L-Istati Membri jistgħu jiġu mistennija li jafdaw fuq is-sistemi ta' kontroll eżistenti (28) biex jiġi żgurat li l-bdiewa jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti. Jekk hemm bdiewa fuq it-territorju tagħhom li jipproduċu materja prima għal bijokarburanti/bijolikwidi iżda mhumiex koperti b'dawn is-sistemi ta' kontroll, l-Istati Membri huma meħtieġa li jinkluduhom.

Jekk sistema ta' kontroll tikxef ksur ta' dan il-kriterju, l-Istat Membru jeħtieġ li jiżgura li dan jitqies għall-finijiet elenkati fit-Taqsima 1.

2.3.   Materjali koperti

Kif stipulat fid-Direttiva, “bijokarburant” tfisser karburant likwidu jew fi stat ta' gass għat-trasport prodott minn bijomassa. “Bijolikwidi” tfisser karburant likwidu prodott minn bijomassa għal finijiet ta' enerġija għajr dawk ta' trasport (29). Dan tal-aħħar jinkludi biss il-karburanti likwidi. Dan ifisser li l-kriterji ta' sostenibbiltà japplikaw għal bijogass għat-trasport u mhux għal bijogass użat għat-tisħin jew l-elettriku.

Għalkemm jissemmew ħafna tipi ta' bijokarburanti fid-Direttiva (30), dawn l-elenki qegħdin hemm biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva u mhumiex eżawrjenti. Il-bijokarburanti u l-bijolikwidi li mhumiex elenkati jistgħu jgħinu wkoll biex jintlaħqu l-miri tad-Direttiva.

Huwa meqjus li t-terminu “bijolikwidi” jinkludi likwidi viskużi bħal żejt mormi tat-tisjir, xaħmijiet ta' annimali, żejt tal-palm, raża likwida mhux maħduma u żift taż-żejt tat-tall.

Għall-bijokarburanti/bijolikwidi prodotti minn skart, u minn residwi għajr mill-agrikoltura, akkwakultura, residwi tas-sajd jew il-forestrija, japplika biss il-kriterju relatat mal-iffrankar ta’ gassijiet b'effett ta' serra (31). Fit-Taqsima 5 hemm indirizzat x'jikkostitwixxi skart jew residwu. Ir-residwi tal-agrikoltura, l-akkwakultura, is-sajd u l-forestrija huma residwi li huma prodotti direttament mill-agrikoltura, is-sajd, l-akkwakultura u l-forestrija; ma jinkludux residwi minn industriji jew ipproċessar relatati.

2.4.   Armonizzar tal-kriterji ta' sostenibbiltà

Il-kriterji ta' sostenibbiltà tad-Direttiva huma armonizzati kompletament f'livell Komunitarju u ġew adottati skont l-Artikolu 95 (is-suq intern) tat-Trattat tal-KE. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jistipulaw kriterji addizzjonali tagħhom stess għall-finijiet ta' punt (1) sa (4) elenkati fit-Taqsima 1 (32). Dan ifisser li l-Istati Membri ma jistgħux, għal dawk il-finijiet, jeskludu bijokarburanti/bijolikwidi fuq bażi ta' sostenibbiltà oħra għajr tal-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fid-Direttiva (33). Madankollu, meta wħud mill-bijokarburanti/bijolikwidi jkunu aktar ta' benefiċċju minn oħrajn kif ukoll ogħla biex tipproduċihom, l-iskemi ta' appoġġ nazzjonali jistgħu jqisu l-ispejjeż ogħla ta' produzzjoni (34).

2.5.   Publikazzjoni ta' tagħrif dwar is-sostenibbiltà

L-Istati Membri għandhom jirċievu t-tagħrif mill-operaturi ekonomiċi dwar il-konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà. Għandhom jirċievu wkoll it-tagħrif dwar il-pajjiż tal-oriġini tal-karburanti għat-trasport bit-triq kollha, fossili u rinnovabbli, u minn fejn inxtraw (35). Skont id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, ma hemmx rekwiżit għall-Istati Membri biex jagħmlu t-tagħrif disponibbli għall-pubbliku, u lanqas ma huma pprojbiti li jagħmlu dan. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippubblikaw tagħrif bħal dan biex iwettqu dan b'mod konsistenti għall-karburanti kollha. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jekk Stat Membru jiddeċiedi li jippubblika tagħrif bħal dan għandu jqis il-possibbiltà tan-natura kummerċjali sensittiva tat-tagħrif speċifiku ta' impriża f'dak ir-rigward.

Il-Kummissjoni se tippubblika t-tagħrif kollu li wasal mill-Istati Membri għall-bijokarburanti u l-bijolikwidi dwar il-pjattaforma ta' trasparenza fil-qosor (36).

3.   KALKOLU TAL-IMPATT TAL-GASSIJIET B'EFFETT TA' SERRA

Id-Direttiva tirrikjedi l-iffrankar ta' 35 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra (li jiżdied għal 50 % f'Jannar 2017, u 60 % f'Jannar 2018 għall-impjanti li jkunu bdew il-produzzjoni fl-2017 jew wara) (37). Fiha hemm metodoloġija għall-kalkolu ta' dan l-iffrankar (“valur reali”) kif ukoll “valuri awtomatiċi”, inklużi “valuri awtomatiċi diżaggregati”, li jistgħu jintużaw f'ċerti każijiet biex tintwera l-konformità mal-kriterju.

3.1.   Eċċezzjoni li tikkonċerna l-impjanti li kienu operattivi fit-23 ta’ Jannar 2008

Il-bijokarburanti/bijolikwidi prodotti minn impjanti li kienu operattivi fit-23 Jannar 2008 huma eżentati milli jikkonformaw mal-kriterju dwar l-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra sal-1 ta’ April 2013 (38), sabiex eż. pjanti tal-etanol tal-qamħ bil-linjite bħala karburant tal-proċess u mtieħen taż-żejt tal-palm mingħajr il-qbid tal-metan jingħataw iż-żmien biex jadattaw il-proċess tagħhom. It-terminu “impjant” jinkludi kull impjant tal-ipproċessar użat fil-proċess tal-produzzjoni. Ma għandux jinftiehem li jinkludi l-faċilitajiet ta' produzzjoni li setgħu ġew miżjuda intenzjonalment fil-katina ta' produzzjoni biss biex jikkwalifikaw għall-eżenzjoni prevista f'din id-dispożizzjoni. Jekk tal-anqas waħda minn dawn l-impjanti tal-ipproċessar użati fil-katina tal-produzzjoni kienet operattiva mhux aktar tard mit-23 ta' Jannar 2008 il-kriterju tal-iffrankar ta' mhux inqas minn 35 % ta' gassijiet b'effett ta' serra jibda japplika biss mill-1 ta' April 2013.

3.2.   Valuri awtomatiċi

Id-Direttiva fiha “valuri awtomatiċi” li jistgħu jintużaw mill-operaturi ekonomiċi biex jipprovdu evidenza ta' konformità mal-kriterju tal-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra (39). L-Anness I għal din il-Komunikazzjoni jagħti gwida dwar meta jistgħu jintużaw il-valuri awtomatiċi, inkluż meta jkunu jistgħu jintużaw il-kumbinazzjonijiet ta' valuri awtomatiċi diżaggregati u valuri reali (40).

Il-valuri awtomatiċi jistgħu jiġu aġġornati mill-Kummissjoni. Il-proċess tal-aġġornament tal-valuri awtomatiċi huwa indirizzat fil-Komunikazzjoni dwar skemi volontarji u valuri awtomatiċi.

Id-Direttiva fiha wkoll “valuri tipiċi” għall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra mill-bijokarburanti (41). Dawn il-valuri ma jistgħux jintużaw minn operaturi ekonomiċi. Jistgħu jintużaw mill-Istati Membri fir-rapportar kull sentejn lill-Kummissjoni dwar il-progress fil-promozzjoni u l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (42).

3.3.   Kalkolu ta' valur reali

Il-valuri reali għall-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra dejjem jistgħu jintużaw indipendentament jekk jeżistix valur awtomatiku għall-bijokarburant/bijolikwidu kkonċernat. Il-Parti C tal-Anness V għad-Direttiva fiha r-regoli għall-kalkolu ta' valur reali.

Ma jidhirx neċessarju li jiġi inkluż fil-kalkolu, il-kontenuti tad-dħul li jkollhom ftit jew xejn effett fuq ir-riżultat, bħal kimiki użati f'ammonti żgħar matul l-ipproċessar (43).

Għall-kalkolu tal-emissjonijiet minn “kultivazzjoni”, il-metodu jippermetti l-użu ta' medji (għal żona ġeografika partikolari) bħala alternattiva għall-valuri reali (44). Dan ikun partikolarment siewi għall-għalf fejn ma jeżisti l-ebda valur awtomatiku u għar-reġjuni tal-UE fejn l-użu ta' valuri awtomatiċi mhuwiex permess għal ċertu għalf (45). L-Istati Membri jistgħu jfasslu elenki ta' valuri medji bħal dawn; jistgħu jiġu inkorporati fi skemi volontarji li jindirizzaw l-impatt tal-emissjoni tal-gassijiet b'effett ta' serra (46).

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippubblika fuq il-pjattaforma ta' trasparenza tagħha, eżempji annotati tal-kalkoli ta' valuri reali kif ukoll sett ta' valuri standard, li ġejjin mill-gruppi tad-dejta użati biex jistabbilixxu l-valuri awtomatiċi, li jistgħu jintużaw għal xi wħud mill-koeffiċjenti użati fil-kalkolu ta' valuri attwali.

Aktar elementi dwar il-metodoloġija għall-kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra jinsabu fl-Anness II għal din il-Komunikazzjoni.

4.   KONFORMITÀ MAL-KRITERJI RELATATI MAL-ART

Id-Direttiva tidentifika kategoriji ta' art b’valur għoli ta’ bijodiversità (47). Il-materja prima għal bijokarburanti/bijolikwidi ma għandhiex tittieħed minn din l-art.

Id-Direttiva tidentifika kategoriji ta' art b’valur għoli ta’ ħażniet ta’ karbonju (48). Jekk f'Jannar 2008 l-art kienet taqa′ taħt waħda minn dawn il-kategoriji u issa ma għadhiex, il-materja prima għall-bijokarburanti/bijolikwidi ma għandhiex tittieħed mill-art.

Għal xi wħud minn dawn il-kriterji d-Direttiva tippermetti għal eċċezzjonijiet, ladarba tiġi pprovduta ċerta evidenza.

Jekk l-art tappartjeni għal aktar minn waħda minn dawn il-kategoriji tal-art, japplikaw il-kriterji rilevanti kollha. L-eliġibbiltà għal eċċezzjoni skont waħda minn dawn il-kriterji ma tfissirx eċċezzjoni minn kriterji applikabbli oħra.

4.1.   Art b’valur għoli ta’ bijodiversità

Il-materja prima ma għandhiex tinkiseb minn foresta primarja u art (primarja) oħra bis-siġar; żoni nominati għal ħarsien tan-natura; u artijiet bil-ħaxix li għandhom bijodiversità għolja (49). Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li fl-2010 tistabilixxi l-kriterji u l-firxiet ġeografiċi biex jiġu ddeterminati liema artijiet bil-ħaxix jistgħu jitqiesu bħala artijiet bil-ħaxix li għandhom bijodiversità għolja (50).

Fil-każ ta' artijiet bil-ħaxix mhux naturali li għandhom bijodiversità għolja, hemm possibbiltà ta' eċċezzjoni meta tiġi pprovduta l-evidenza li l-ħsad tal-materja prima huwa meħtieġ biex jiġi ppreżervat l-istatus tal-art bil-ħaxix taż-żona. Fil-każ ta' żoni ta' ħarsien tan-natura, hemm possibbiltà ta' eċċezzjoni meta tiġi pprovduta l-evidenza li l-produzzjoni tal-materja prima ma interferixxietx mal-fini tal-ħarsien tan-natura kkonċernat (51). Il-Kummissjoni hija konxja li s-CEN, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni, qiegħed jaħdem dwar il-kwistjoni ta' liema tip ta' evidenza għandha tiġi provduta.

Id-Direttiva tinkludi proċedura li skontha ż-żoni ġodda ta' ħarsien tan-natura jistgħu jitqiesu wara deċiżjoni tal-Kummissjoni (52). Attwalment ma hemmx żoni bħal dawn rikonoxxuti. Meta jsiru deċiżjonijiet biex jiġu rikonoxxuti żoni, it-tagħrif dwar dawn id-deċiżjonijiet għandu jkun disponibbli fuq il-pjattaforma ta' trasparenza tal-Kummissjoni.

4.2.   Art b’valur għoli ta’ ħażniet ta’ karbonju

Il-materja prima ma għandhiex tiġi akkwistata minn art mistagħdra; żoni kontinwament ifforestati; żoni b’kopertura ta' ħaxix bejn 10-30 %; u art tal-peat – jekk l-istatus tal-art inbidel meta jitqabbel mal-istatus tagħha f'Jannar 2008 (53).

B′hekk jekk il-materja prima tittieħed minn art li kienet art mistgħdra (54) f'Jannar 2008 u għadha art mistgħdra meta ttieħdet il-materja prima, l-użu ta' materja bħal din ma jkunx ksur tal-kriterju.

It-terminu “status” jirreferi għal kategoriji fiżiċi ddefiniti fid-Direttiva.

It-tibdil fl-użu tal-art li mhuwiex inkluż f'dan il-kriterju xorta għandu jitqies fil-kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra (ara l-Anness II).

4.2.1.   Żoni kontinwament ifforestati  (55);

Qabel ma jiġi kkunsidrat il-kunċett ta' “żona kontinwament ifforestata”, ta' min jiftakar li kull tibdil fl-użu tal-art għandu jiġi kkunsidrat fil-kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra (56), filwaqt li potenzjalment jeħtieġ li jiġi kkunsidrat skont l-intestaturi ta' politiki oħrajn apparti din id-Direttiva.

It-terminu “żona kontinwament ifforestata” huwa ddefinit fid-Direttiva bħala art fuq firxa ikbar minn ettaru b’siġar ogħla minn ħames metri u b’kopertura ta’ aktar minn 30 %, jew siġar li jistgħu jilħqu dawk il-limiti in situ. Dan ma jinkludix art li hi prinċipalment taħt użu agrikolu jew urban (57).

4.2.2.   Żoni b'kopertura ta' ħaxix ta' 10-30 %  (58)

Għal art li hi simili għal żoni kontinwament ifforestati iżda għandha kopertura ta' ħaxix bejn 10 % u 30 %, hemm il-possibbiltà ta' eċċezzjoni meta tiġi pprovduta evidenza li l-impatt ta' gassijiet b'effett ta' serra (59), inklużi t-tibdiliet kollha minn Jannar 2008 fil-ħażna tal-karbonju taż-żona kkonċernata, jissodisfa l-limitu x-xieraq għall-kriterju tal-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra.

4.2.3.   Art tal-peat  (60)

Għal bijokarburanti/bijolikwidi prodotti minn bijomassa mkabbra fuq art li kienet art tal-peat f'Jannar 2008, hemm possibbiltà ta' eċċezzjoni jekk tiġi pprovduta l-evidenza li:

il-ħamrija kienet imnixxfa kompletament f'Jannar 2008; jew

ma jkunx sarilha tnixxif minn Jannar tal-2008.

Dan ifisser li għall-art tal-peat li kienet tnixxfet parzjalment f'Jannar 2008, tnixxif sussegwenti aktar profond, li jaffettwa lill-ħamrija li ma kenitx tnixxfet kompletament, ikun jikkostitwixxi ksur tal-kriterju.

Il-peat innifsu mhuwiex meqjus bijomassa (61).

4.3.   Għoti ta' evidenza ta' konformità

L-evidenza ta' konformità tal-kriterji relatati mal-art tista' tieħu ħafna forom, inklużi ritratti mill-ajru, stampi bis-satellita, mapep, annotazzjonijiet/databases tar-reġistru tal-artijiet (62), u stħarriġ tas-sit.

L-evidenza tista' tkun “pożittiva” jew “negattiva”.

Pereżempju, il-konformità mal-kriterju dwar il-“foresta primarja” tista' tintwera permezz ta':

ritratt mill-ajru tal-art, fejn tintwera li se titħawwel bil-kannamieli (pożittiv); jew

mappa tal-foresti primarji kollha fir-reġjun, fejn tintwera li l-art li mhijiex inkluża fihom (negattiva).

Il-kriterji jirreferu għall-istatus tal-art f'Jannar 2008. Iżda mhuwiex eskluż l-użu ta' evidenza aktar bikrija. Pereżempju, jekk jintwera li l-art kienet-art tar-raba’ ftit qabel l-2008, eż. fl-2005, dan ikun biżżejjed biex tintwera l-konformità ma' xi wħud mill-kriterji jew il-kriterji kollha relatati mal-art.

Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tippubblika, fuq il-pjattaforma ta' trasparenza tagħha, gwida għall-operaturi ekonomiċi għall-identifikazzjoni tal-kategoriji tal-art ikkonċernati.

5.   REGOLI TAL-GĦADD GĦAL BIJOKARBURANTI

5.1.   Kalkolu ta' karburanti li parzjalment jiġu minn sorsi mhux rinnovabbli

Uħud mill-karburanti jikkonsistu biss parzjalment minn materjal rinnovabbli. Għal xi wħud minn dawn, bħall-ETBE, l-Anness III tad-Direttiva jindika liema persentaġġ tal-karburant huwa rinnovabbli għall-fini tal-miri tal-kontabbiltà. (63) Għal karburanti bħal dawn li mhumiex elenkati fl-Anness III, inklużi l-karburanti prodotti bi proċessi flessibbli li mhux dejjem jagħtu kunsinni bl-istess taħlita ta' sorsi, tista' titfassal analoġija b'mod xieraq mir-regola għall-elettriku ġġenerat f’impjanti multikombustibbli (li jużaw aktar minn tip wieħed ta' karburant): “il-kontribut ta’ kull sors ta’ enerġija għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi tal-kontenut tiegħu ta’ enerġija” (64).

Għall-finijiet ta' konformità mal-kriterju ta' sostenibbiltà dwar l-iffrankar ta' gassijiet b'effett ta' serra, il-parti tal-karburanti dderivata mill-bijomassa msemmija fil-paragrafu preċedenti għandha tilħaq il-limitu x-xieraq. Għal xi wħud, bħall-ETBE, id-Direttiva tagħti valuri awtomatiċi.

Il-persentaġġi fl-Anness III tad-Direttiva japplikaw ukoll meta jiġi ddeterminat jekk il-karburanti li jkun fihom bijokarburanti jkunu jeħtieġu li dan ikun indikat fil-postijiet ta’ bejgħ (65). Pereżempju, petrol li jkollu 20 % ETBE ma għandux jeħtieġ indikazzjoni speċifika għax inqas minn 10 % ġej minn sorsi rinnovabbli.

5.2.   Kalkolu doppju ta' bijokarburanti

Xi wħud mill-bijokarburanti jiġu kkalkulati għal darbtejn għal finijiet ta' konformità mal-mira ta' 10 % għas-sehem ta' enerġija fil-forom kollha ta' trasport fl-2020 u għal konformità mal-obbligi nazzjonali ta’ enerġija rinnovabbli (66). Il-bijokarburanti l-oħra kollha għandhom jiġu kkalkolati darba. Meta l-bijokarburanti jiġu prodotti parzjalment biss minn materjali li jiġu kkalkolati għal darbtejn, il-kalkolu doppju japplika biss għal dik il-parti biss tal-bijokarburant (67).

Il-bijokarburanti li jiġu kkalkolati għal darbtejn jinkludu dawk li ġejin minn skart u residwi.

Id-Direttiva nnifisha ma għandhiex id-definizzjonijiet ta' “skart” u “residwi”. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn il-kunċetti għandhom jiġu interpretati f'konformità mal-għanijiet tad-Direttiva:

għall-kalkolu doppju: diversifikazzjoni tal-għalf (68);

għall-metodoloġija ta' gassijiet b'effett ta' serra: l-ebda emissjoni ma hija allokata għal prodotti sekondarji li ma jkunux fil-mira tal-produzzjoni, bħat-tiben fil-każ tal-produzzjoni tal-qamħ (69).

F′dan il-kuntest skart jista' jfisser kull sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew għandu l-intenzjoni jew huwa meħtieġ li jarmi (70). Il-materja prima li tkun ġiet immodifikata intenzjonalment biex tgħodd bħala skart (eż. billi jiżdied il-materjal tal-iskart ma' materjal li ma kienx skart) ma għandhiex tiġi kkunsidrata li tikkwalifika.

F′dan il-kuntest ir-residwi jistgħu jinkludu:

residwi tal-agrikoltura, l-akkwakultura, is-sajd u l-forestrija; u

residwi mill-ipproċessar.

Residwu mill-ipproċessar huwa sustanza li mhijiex il-prodott(i) finali direttament mixtieq mill-proċess ta' produzzjoni. Mhuwiex għan primarju tal-proċess ta' produzzjoni u l-proċess ma jkunx ġie mmodifikat b'mod deliberat biex jipproduċih.

Eżempji ta' residwi jinkludu gliċerina mhux raffinata, żift taż-żejt tat-tall u demel.


(1)  L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2009/28/KE.

(2)  L-Artikolu 7b tad-Direttiva 98/70/KE kif emendata mid-Direttiva 2009/30/KE.

(3)  L-Artikolu 17(1)(a). Bħala segwitu tal-ambitu ta' “konsum finali tal-enerġija” skont ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 dan jinkludi l-bijokarburanti użati fl-avjazzjoni internazzjonali (meta jinbiegħu fi Stat Membru), iżda mhux fit-trasport marittimu internazzjonali.

(4)  Artikolu 17(1)(b). Kif iddefinit fl-Artikolu 2(l) tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

(5)  Artikolu 17(1)(c). Tipikament bħala parti minn skema ta' appoġġ nazzjonali.

(6)  L-Artikolu 7a tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburant.

(7)  ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(8)  Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 443/2009.

(9)  ĠU L 151, 17.6.2010, p. 19.

(10)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(11)  Onlajn fuq:http://ec.europa.eu/energy/renewables/transparency_platform/transparency_platform_en.htm

(12)  Meta d-dokumenti jkunu rilevanti għad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti, il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippubblikahom ukoll fuq il-websajt tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti.

(13)  Artikolu 17(2).

(14)  Artikolu 17(3).

(15)  Artikolu 17(4) u (5).

(16)  Artikolu 17(6).

(17)  Artikolu 18(1).

(18)  Artikolu 18(3).

(19)  Artikolu 18(4) it-tieni subparagrafu; Artikolu 18(7).

(20)  Artikoli 18(4) l-ewwel subparagrafu; Artikolu 18(7).

(21)  Cf. Id-Direttiva 2008/118/KE u d-Direttiva 2003/96/KE.

(22)  L-unika eċċezzjoni tista' tkun l-emissjonijiet ta' gass b'effett serra mid-distribuzzjoni tal-karburant (jekk huma meħtieġa għall-kalkolu ta' valur attwali). Ikun xieraq li jintuża koeffiċjent standard għal din.

(23)  Artikolu 18(3).

(24)  Artikolu 18(1).

(25)  Differenza importanti hija li skont skema volontarja, bħala regola ġenerali skema volontarja għandha tiżgura li l-operaturi ekonomiċi jiġu vverifikati qabel ma jingħatalhom permess biex jipparteċipaw fl-iskema. Ma hemmx bżonn għal rekwiżit bħal dan fis-sistemi nazzjonali, li skonthom ikun xieraq ukoll li tipprovdi għal talbiet ad hoc minn operaturi ekonomiċi.

(26)  Artikolu 17(6).

(27)  Cf. Artikolu 18(1).

(28)  Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009).

(29)  Artikolu 2.

(30)  Eż. fl-Annessi III u V.

(31)  Cf, Artikolu 17(1).

(32)  Għall-finijiet ta' punt (5) u (6) elenkati fit-Taqsima 1 din il-kwistjoni mhijiex rilevanti.

(33)  Artikolu 17(8).

(34)  Cf. Premessi 89 u 95 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli kif ukoll il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien ambentali.

(35)  Artikolu 7a(1)(a) tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburanti.

(36)  Artikolu 18(3).

(37)  Artikolu 17(2).

(38)  Artikolu 17(2), l-aħħar subparagrafu.

(39)  Anness V.

(40)  Wieħed għandu jinnota li fil-kalkolu tal-valuri awtomatiċi (diżaggregati) tqieset l-allokazzjoni tal-emissjonijiet għal prodotti sekondarji.

(41)  Anness V.

(42)  Cf. Artikolu 22(2).

(43)  Huwa rilevanti li wieħed jinnota li ċ-ċifri għall-iffrankar tal-gassijiet b'effett ta' serra jiżdiedu jew jitnaqqsu għall-eqreb punt perċentwali.

(44)  Cf. Punt 6 Parti C tal-Anness V.

(45)  Cf. Artikolu 19(2) u (3).

(46)  Cf. Artikolu 18(4).

(47)  Artikolu 17(3).

(48)  Artikolu 17(4) u (5).

(49)  Artikolu 17(3).

(50)  Id-dokumenti pubbliċi ta’ konsultazzjoni huma disponibbli fi: http://ec.europa.eu/energy/renewables/consultations/2010_02_08_biodiverse_grassland_en.htm

(51)  Artikolu 17(3)(b); applikabbli kemm għal (i) kif ukoll għal (ii) tiegħu.

(52)  Artikolu 17(3)(b)(ii).

(53)  Artikolu 17(4) u 17(5).

(54)  Artikolu 17(4)(a).

(55)  Artikolu 17(4)(b).

(56)  Cf. Anness II ta' din il-Komunikazzjoni.

(57)  L-art li hi għall-użu agrikolu f′dan il-kuntest tirreferi għal formazzjonijiet ta' siġar f'sistemi ta' produzzjoni agrikola, bħall-pjantaġġuni tas-siġar tal-frott, il-pjantaġġuni tal-palmi taż-żejt u s-sistemi tal-agriforestrija meta l-uċuħ ikunu kibru taħt kopertura tas-siġar.

(58)  Artikolu 17(4)(c).

(59)  Parti C tal-Anness V.

(60)  Artikolu 17(5).

(61)  Cf. Artikolu 2.

(62)  Eż. is-Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll (IACS) għall-Politika Agrikola Komuni tal-UE.

(63)  Artikolu 5(5).

(64)  Artikolu 5(3).

(65)  Artikolu 21(1).

(66)  Artikolu 21(2).

(67)  Dik il-parti li tkun is-sehem fiżiku (is-“sistema ta’ bilanċ tal-massa” għall-kriterji ta' sostenibbiltà ma tapplikax għal din id-dispożizzjoni).

(68)  Cf, Premessi 89 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli.

(69)  Cf. Punt 18, Parti C tal-Anness V.

(70)  Inklużi l-materjali li għandhom jiġu rtirati mis-suq għal raġunijiet ta' saħħa jew sikurezza.


ANNESS I

Metodi għall-kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra

Image


ANNESS II

Metodoloġija għall-kalkolu tal-impatt tal-gassijiet b'effett ta' serra: elementi ulterjuri

L-iffrankar tal-emissjonijiet minn akkumulazzjoni tal-karbonju mill-ħamrija permezz ta’ ġestjoni agrikola mtejba (Punt 1, parti C, Anness V)

“Ġestjoni agrikola mtejba” tista' tinkludi prattiki bħal:

trasferiment għal inqas ħrit jew ma jsir ebda ħrit;

newbiet imtejba tal-uċuħ u/jew uċuħ, inkluża l-ġestjoni tar-residwu tal-uċuħ;

ġestjoni mtejba tal-fertilizzant jew id-demel;

użu ta' sustanza li ttejjeb il-ħamrija (eż. kompost).

L-iffrankar ta' emissjonijiet minn titjib bħal dan jista' jiġi kkunsidrat jekk tiġi pprovduta l-evidenza li żdied il-karbonju mill-ħamrija, jew tiġi pprovduta evidenza solida u verifikabbli li b'mod raġjonevoli jkun mistenni li żdied, matul il-perjodu li fih tkun ġiet ikkultivata l-materja prima konċernata (1).

L-iffrankar tal-emissjonijiet f'termini ta' g CO2eq/MJ jista' jiġi kkalkolat permezz ta' formola bħal dik fil-punt 7 tal-metodu, billi jinbidel id-diviżur “20” bil-perjodu (fi snin) tal-kultivazzjoni tal-uċuħ ikkonċernati.

Kultivazzjoni (punt 6)

Il-kontenut ta' dħul/varjabbli li jaffettwa l-emissjonijiet mill-kultivazzjoni tipikament jinkludi żerriegħa, karburant, fertilizzant, pestiċida, produzzjoni, u emissjonijiet ta' N2O mill-qasam. L-użu taċ-ċiklu tal-karbonju qasir tad-dijossidu tal-karbonju fil-pjanti mhuwiex qed jitqies hawn; sabiex jibbilanċja dan, l-emissjonijiet mill-karburant li qed jintuża mhumiex qed jitqiesu fil-punt 13.

Il-metodoloġija għal “kultivazzjoni” tippermetti – bħala alternattiva għall-valuri reali – l-użu ta' medji għal żoni ġeografiċi iżgħar minn dawk użati għall-kalkolu tal-valuri awtomatiċi. Il-valuri awtomatiċi ġew ikkalkulati għal livell globali (b'eċċezzjoni waħda). Madankollu, fi ħdan l-UE, id-Direttiva tippreżenta restrizzjonijiet fuq l-użu tagħhom. Dawn ir-restrizzjonijiet joperaw fil-livell taż-żoni ta' NUTS 2 (2). B'segwitu ta' dan jidher li fl-UE, il-medji għandhom ikunu għaż-żoni ta' NUTS 2 jew għal livell ifjen. Livell bħal dan ikun loġikament xieraq ukoll barra l-UE.

Emissjonijiet ta' N2O (punt 6)

Mod xieraq kif jitqiesu l-emissjonijiet ta' N2O mill-ħamrija hu permezz tal-metodoloġija tal-IPCC, inklużi dawk li huma deskritti hemm kemm bħala emissjonijiet ta' N2O “diretti” kif ukoll dawk “indiretti” (3). It-tliet livelli tal-IPCC jistgħu jintużaw minn operaturi ekonomiċi. Il-livell 3, li jiddependi fuq kejl u/jew mudellar iddettaljat, jidher aktar rilevanti għall-kalkolu tal-valuri tal-kultivazzjoni “reġjonali” (cf, Taqsima 3.3 ta' din il-Komunikazzjoni) milli għall-kalkoli oħra ta' valuri reali.

Tibdil fl-użu tal-art (punti 7 u 10)

It-tibdil fl-użu tal-art għandu jinftiehem li jirreferi għal tibdiliet f'termini ta' kopertura tal-art bejn is-sitt kategoriji tal-art użati mill-IPCC (l-art tal-foresta, artijiet bil-ħaxix, art tar-raba’, i.e. uċuħ multiannwali li z-zokk ewlieni tagħhom normalment ma jinħasadx kull sena bħall-imsaġar ta' newba qasira u l-palm taż-żejt (4). Dan ifisser, pereżempju, li tibdil minn artijiet bil-ħaxix għal art tar-raba’ huwa tibdil fl-użu tal-art, filwaqt li tibdil minn wiċċ wieħed (bħal qamħirrun) għal ieħor (bħal żerriegħa tal-kolza) mhuwiex. Artijiet bil-ħaxix jinkludu art mhux maħduma (i.e. art li tħalliet tistrieħ għal sena jew ħafna snin qabel terga’ tiġi kkultivata). Tibdil fl-attivitajiet ta' ġestjoni, fil-prattika ta' ħrit jew fil-prattika tal-kontenut tad-dħul tad-demel mhuwiex meqjus bħala tibdil fl-użu tal-art.

Il-linji gwida għall-kalkolu tal-ħażniet tal-karbonju tal-art (5) jipprovdu spjegazzjoni dettaljata tal-kalkolu. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tippubblika fil-pjattaforma ta' trasparenza tagħha eżempju annotat għall-kalkolu tal-emissjonijiet minn tibdiliet tal-ħażniet tal-karbonju tal-art b'riżultat ta' tibdil fl-użu tal-art.

Intensità tal-emissjoni tan-netwerk tal-elettriku (punt 11)

Id-Direttiva tirrikjedi l-użu tal-intensità tal-emissjoni medja għal “reġjun definit”. Fil-każ tal-UE l-aktar għażla loġika hija l-UE kollha. Fil-każ ta' pajjiżi terzi, fejn normalment in-netwerks ikunu inqas konnessi minn pajjiż għall-ieħor, il-medja nazzjonali tista' tkun l-għażla x-xierqa.

Allokazzjoni ta’ enerġija (punti 17 u 18)

Il-valur ta’ tisħin iktar baxx użat fl-applikazzjoni ta' din ir-regola għandu jkun dak tal-prodott/prodott sekondarju sħiħ, mhux tal-frazzjoni niexfa biss tiegħu. Madanakollu, f'ħafna każijiet, partikolarment fir-rigward tal-prodotti kważi niexfa, dan li ssemma l-aħħar jista' jagħti riżultat li jkun approssimazzjoni xierqa.

Peress li s-sħana ma għandhiex valur ta' tisħin iktar baxx, ma jistgħux jiġu allokati emissjonijiet għaliha fuq dik il-bażi.

Ma għandha tiġi allokata l-ebda emissjoni għar-residwi tal-uċuħ agrikoli u tal-ipproċessar, peress li huma meqjusa li ma jipproduċux emissjonijiet sal-punt tal-ġbir tagħhom (6), u lanqas għall-iskart. Aktar dettalji dwar l-iskart u r-residwi jinsabu fit-Taqsima 5.2.

L-allokazzjoni għandha tiġi applikata direttament wara prodott sekondarju (sustanza li normalment tkun tista' tinħażen jew li tkun kummerċjabbli) u prodott ta' bijokarburant/bijolikwidu/intermedju jkunu prodotti fi stadju ta' proċess. Dan jista' jkun stadju ta' proċess f'impjant li warajh jitwettaq l-ipproċessar ulterjuri aktar 'l isfel fil-katina, (downstream) għal kull prodott. Madankollu, jekk l-ipproċessar fin-naħa t' isfel tal-katina tal-prodotti/prodotti sekondarji kkonċernati jkun interkonness (permezz ta' ċirkwiti ta' feedback ta' materjal jew enerġija) ma' kwalunkwe parti aktar 'il fuq fil-katina tal-ipproċessar, is-sistema titqies bħala “raffinerija” (7) u l-allokazzjoni tiġi applikata fil-punti fejn kull prodott ma jkollux l-ipproċessar ulterjuri fin-naħa t' isfel tal-katina li jkun interkonness permezz ta' ċirkwiti ta' feedback ta' materjal jew enerġija ma' kwalunkwe parti aktar 'il fuq fil-katina tal-ipproċessar.

Elettriku minn sħana u enerġija kkombinati (CHP) (punt 16)

Ir-regola ġenerali tal-allokazzjoni fil-punt 17 ma tapplikax għall-elettriku minn impjant CHP meta s-CHP jaħdem b' 1) karburanti fossili; 2) bijoenerġija, meta din ma tkunx prodott sekondarju mill-istess proċess; jew 3) residwi tal-uċuħ agrikoli, anki meta jkunu prodott sekondarju mill-istess proċess. Minflok, tapplika r-regola fil-punt 16 kif ġej:

(a)

Meta s-CHP jipprovdi sħana mhux biss lill-proċess ta' bijokarburant/bijolikwidu iżda wkoll għal finijiet oħra, id-daqs tas-CHP għandu jitnaqqas nozzjonalment – għall-kalkolu – għad-daqs li hu meħtieġ biex jipprovdi biss is-sħana meħtieġa għall-proċess ta' bijokarburant/bijolikwidu. Il-ħruġ primarju tal-elettriku tas-CHP għandu jitnaqqas nozzjonalment b'mod proporzjonali.

(b)

Għall-ammont ta' elettriku li jifdal - wara dan l-aġġustament nozzjonali u wara li jiġu koperti l-ħtiġijiet interni elettriċi reali – għandu jiġi assenjat kreditu ta' gassijiet b'effett ta' serra li għandu jitnaqqas mill-emissjonijiet tal-ipproċessar.

(c)

L-ammont ta' dan il-benefiċċju huwa daqs l-emissjonijiet tul iċ-ċiklu tal-ħajja attribwiti lill-produzzjoni ta' ammont ugwali ta' elettriku mill-istess tip ta' karburant f'impjant tal-elettriku.

Komparatur tal-karburant fossili (punt 19)

Il-komparatur tal-karburant fossili li għandu jintuża attwalment għall-bijokarburanti huwa 83,8 g CO2eq/MJ. Dan il-valur għandu jiġi preċedut minn “l-aħħar emissjonijiet medji reali disponibbli mill-parti fossili tal-konsum tal-petrol u d-diżil fil-Komunità” meta dak it-tagħrif isir disponibbli mir-rapporti ppreżentati skont id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburant (8).

Dak ir-rappurtar għandu jsir kull sena, u jibda bir-rapport għas-sena 2011. Jekk ikun possibbli li jsir il-kalkolu, il-Kummissjoni tippubblika l-valur ġdid għall-komparatur tal-karburant fossili fuq il-pjattaforma ta' trasparenza flimkien ma' data li minnha ċ-ċifra tista' titqies “disponibbli” u għandha tintuża. Il-Kummissjoni se tqis dan l-aħħar aġġornament fl-emenda li jmiss tagħha tal-valuri tipiċi u awtomatiċi fid-Direttiva.


(1)  Il-kejl ta' karbonju mill-ħamrija jista' jikkostitwixxi evidenza bħal din, eż. permezz tal-ewwel kejl qabel dak tal-kultivazzjoni u dawk sussegwenti f'intervalli regolari b'ħafna snin bejn kull wieħed. F'każ bħal dan, qabel ma jkun disponibbli t-tieni kejl, iż-żieda fil-karbonju mill-ħamrija tista' tiġi stmata permezz ta' bażi xjentifika rilevanti. Mit-tieni kejl 'il quddiem, il-kejl jkun jikkostitwixxi l-bażi biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' żieda fil-karbonju, il-ħamrija u d-daqs tagħha.

(2)  Artikolu 19(2) u (3). Dawn ir-reġjuni huma speċifikati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1059/2003. Il-mapep interattivi tar-reġjuni huma disponibbli fi: http://ec.europa.eu/eurostat/ramon/nuts/home_regions_en.html

(3)  Cf. Il-Linji Gwida għall-2006 tal-IPCC għall-Inventarji Nazzjonali tal-Gassijiet b'Effett ta' Serra, Volum 4, Kapitolu 11 http://www.ipcc-nggip.iges.or.jp/public/2006gl/pdf/4_Volume4/V4_11_Ch11_N2O&CO2.pdf

(4)  Minħabba li art bħal din għandha karatteristiċi kemm tal-art tar-raba’ kif ukoll tal-art tal-foresta.

(5)  ĠU L 151, 17.6.2010, p. 19.

(6)  Bl-istess mod, meta dawn il-materjali jintużaw bħala għalf ma jipproduċux emissjonijiet sal-punt tal-ġbir tagħhom.

(7)  Cf. l-aħħar subparagrafu tal-Punt 18, Parti C tal-Anness V.

(8)  Skont l-Artikolu 7a tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Karburant fornituri ta' karburant/enerġija (tat-triq) maħtura mill-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet maħtura dwar: 1) il-volum totali ta' kull tip ta' karburant/enerġija fornuta, filwaqt li jindikaw minn fejn inxtraw u l-oriġini tagħhom; u 2) l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal kull unità ta' enerġija.


19.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/17


Ebda oppożizzjoni għal konċentrazzjoni notifikata

(Każ COMP/M.5866 – Sun Capital/Beauty Business)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2010/C 160/03

Fil-15 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma topponix il-konċentrazzjoni notifikata msemmija hawn fuq u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni. Din id-deċiżjoni hi bbażata fuq l-Artikolu 6(1)b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004. It-test sħiħ tad-deċiżjoni hu disponibbli biss fl-Ingliż u ser isir pubbliku wara li jitneħħa kwalunkwe sigriet tan-negozju li jista’ jkun fih. Dan it-test jinstab:

Fit-taqsima tal-amalgamazzjoni tal-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Kompetizzjoni (http://ec.europa.eu/competition/mergers/cases/). Din il-websajt tipprovdi diversi faċilitajiet li jgħinu sabiex jinstabu d-deċiżjonijiet individwali ta' amalgamazzjoni, inklużi l-kumpanija, in-numru tal-każ, id-data u l-indiċi settorjali,

f’forma elettronika fil-websajt EUR-Lex (http://eur-lex.europa.eu/en/index.htm) fid-dokument li jġib in-numru 32010M5866. Il-EUR-Lex hu l-aċċess fuq l-internet għal-liġi Ewropea.


IV Informazzjoni

INFORMAZZJONI MINN ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea

19.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/18


Rata tal-kambju tal-euro (1)

It-18 ta’ Ġunju 2010

2010/C 160/04

1 euro =


 

Munita

Rata tal-kambju

USD

Dollaru Amerikan

1,2372

JPY

Yen Ġappuniż

112,12

DKK

Krona Daniża

7,4398

GBP

Lira Sterlina

0,83570

SEK

Krona Żvediża

9,5599

CHF

Frank Żvizzeru

1,3745

ISK

Krona Iżlandiża

 

NOK

Krona Norveġiża

7,8615

BGN

Lev Bulgaru

1,9558

CZK

Krona Ċeka

25,733

EEK

Krona Estona

15,6466

HUF

Forint Ungeriż

280,05

LTL

Litas Litwan

3,4528

LVL

Lats Latvjan

0,7076

PLN

Zloty Pollakk

4,0675

RON

Leu Rumen

4,2400

TRY

Lira Turka

1,9290

AUD

Dollaru Awstraljan

1,4249

CAD

Dollaru Kanadiż

1,2723

HKD

Dollaru ta' Hong Kong

9,6309

NZD

Dollaru tan-New Zealand

1,7588

SGD

Dollaru tas-Singapor

1,7170

KRW

Won tal-Korea t'Isfel

1 490,51

ZAR

Rand ta' l-Afrika t'Isfel

9,3263

CNY

Yuan ren-min-bi Ċiniż

8,4454

HRK

Kuna Kroata

7,2010

IDR

Rupiah Indoneżjan

11 328,86

MYR

Ringgit Malażjan

4,0221

PHP

Peso Filippin

56,783

RUB

Rouble Russu

38,3840

THB

Baht Tajlandiż

40,091

BRL

Real Brażiljan

2,2000

MXN

Peso Messikan

15,5454

INR

Rupi Indjan

57,1220


(1)  Sors: rata tal-kambju ta' referenza ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.


INFORMAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI

19.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/19


Deċiżjoni dwar il-miżura ta' riorganizzazzjoni fir-rigward ta' ARFIN Compagnia di Assicurazioni e Riassicurazioni SpA

(Avviż ippubblikat skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta' Marzu 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' impriżi tal-assigurazzjoni)

2010/C 160/05

Impriża tal-assigurazzjoni

ARFIN Compagnia di Assicurazioni e Riassicurazioni SpA.

Viale Nazario Sauro 14

20124 Milano MI

ITALIA

Data, id-dħul fis-seħħ u t-tip ta' deċiżjoni

Il-miżura ISVAP Nru 2795 tal-14 ta' April 2010 – Il-Ħatra tal-Kummissarju għall-ġestjoni provviżorja fl-ambitu tal-Artikolu 230 tad-Digriet Leġiżlattiv. Nru 209/2005.

Awtorità kompetenti

ISVAP

Via del Quirinale 21

00187 Roma RM

ITALIA

Awtorità superviżorja

ISVAP

Via del Quirinale 21

00187 Roma RM

ITALIA

Kummissarju maħtur

Dott. Angelo Cremonese

Viale Nazario Sauro 14

20124 Milano MI

ITALIA

Liġi applikabbli

L-Italja

L-Artikolu 230 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 209/2005.

Bil-miżura ISVAP Nru 2795 tal-14 ta' April 2010 l-ħatra ta' Dott. Angelo Cremonese bħala Kummissarju għall-ġestjoni provviżorja ta' ARFIN Compagnia di Assicurazioni e Riassicurazioni SpA, li għandha s-sede tagħha f'Milano, Viale Nazario Sauro 14, saret fl-ambitu tal-Artikolu 230 tad-Digriet Leġiżlattiv tas-7 ta' Settembru 2005, nru 209, għal xahrejn mid-data ta' din il-miżura. Il-funzjonijiet tal-Bord tal-Amministrazzjoni u l-Kontroll tal-Kumpanija huma sussegwentament sospiżi.


V Avviżi

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA KUMMERĊJALI KOMUNI

Il-Kummissjoni Ewropea

19.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/20


Avviż ta’ tnedija ta' proċediment ta' anti-dumping fir-rigward tal-importazzjoni tal-madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2010/C 160/06

Il-Kummissjoni rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, qegħdin ikunu l-oġġett ta' dumping u b'hekk qegħdin jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment tressaq fis-7 ta' Mejju 2010 mill-Federazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Madum taċ-Ċeramika (“CET”) (“il-kwerelant”) f'isem il-produtturi li jirrappreżentaw proporzjon kbir, f'dan il-każ ta' aktar minn 30 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' madum taċ-ċeramika.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa ċangaturi u ċangar, madum għall-qigħan tal-funikulari jew għall-ħitan, taċ-ċeramika glejżjata jew mhix glejżjata; kubi tal-mużajk taċ-ċeramika glejżjata u mhix u affarijiet simili, sew jekk impoġġija fuq dahar jew le (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

3.   Allegazzjoni ta’ dumping  (2)

Il-prodott li allegatament qed ikun l-oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), li attwalment għandu l-kodiċi NM 6907 10 00, 6907 90 10, 6907 90 91, 6907 90 93, 6907 90 99, 6908 10 10, 6908 10 90, 6908 90 11, 6908 90 21, 6908 90 29, 6908 90 31, 6908 90 51, 6908 90 91, 6908 90 93, 6908 90 99. Dawn il-kodiċi NM qegħdin jingħataw biss bħala informazzjoni.

Peress li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina hi kkunsidrata bħala pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, il-kwerelant stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina abbażi tal-prezz f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Istati Uniti tal-Amerika. L-allegazzjoni ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni (fil-livell ta' ġbir mill-post tal-manifattura) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Fuq din il-bażi l-marġnijiet ikkalkulati ta’ dumping huma sinifikanti għall-pajjiż esportatur ikkonċernat.

4.   L-allegazzjoni tal-ħsara

Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem tas-suq.

L-evidenza prima facie mogħtija mill-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u fuq is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżulta f'effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Il-proċedura

Billi ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex tiġi ġġustifikata t-tnedija ta’ proċediment, il-Kummissjoni b'dan qed tniedi investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat u li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat hux qed ikun oġġett ta’ dumping u jekk dan id-dumping ikkawżax ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interessi tal-Unjoni.

5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping

Il-produtturi esportaturi (3) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.1.   Pajjiżi li għalihom jista' japplika t-teħid ta' kampjuni, jiġifieri pajjiżi b'għadd kbir ta' produtturi esportaturi

(a)   It-teħid ta' kampjuni

Fid-dawl tan-numru potenzjalment kbir ta' produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f'dan il-proċediment u biex titlesta l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom ikunu investigati għal numru raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jidentifikaw lilhom infushom quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-feks u l-persuna ta’ kuntatt,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'm2 tal-prodott li qed jiġi investigat mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010 (Perjodu ta' Investigazzjoni jew “PI”) għal kull wieħed mis-27 Stat Membru (4) individwali u flimkien,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f’m2 tal-prodott li qed jiġi investigat, mibjugħ fis-suq lokali bejn l-1 ta’ April 2009 u l-31 ta’ Marzu 2010,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (5) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għal finijiet ta' esportazzjoni u/jew lokali) tal-prodott li qed jiġi investigat,

kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Il-produtturi esportaturi għandhom jindikaw ukoll jekk, f’każ li ma jintgħażlux biex ikunu parti mill-kampjun, jixtiqux jirċievu kwestjonarju u formoli oħrajn ta' talba sabiex jimlewhom u b’hekk jitolbu marġni individwali ta’ dumping skont is-sezzjoni (b) hawn taħt.

Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta żjara fuq il-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal produtturi esportaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jissottomettu xi informazzjoni rilevanti rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jistgħu jiġu investigati b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur u l-assoċjazzjonijiet ta' produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jissottomettu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data ta’ notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-kumpaniji li jkunu aċċettaw li possibbilment jiġu inklużi fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun għandhom jitqiesu li kkooperaw (“produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kkooperaw”). Mingħajr preġudizzju għas-sezzjoni (b) hawn taħt, id-dazju fuq l-anti-dumping li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kkooperaw m'għandux jaqbeż il-marġni medju ddifferenzjat ta’ dumping stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun.

(b)   Marġni individwali ta’ dumping għall-kumpaniji li ma jiġux inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġni individwali ta’ dumping tagħhom (“marġni individwali ta’ dumping”). Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jitolbu marġni individwali ta’ dumping għandhom jitolbu kwestjonarju u formoli oħrajn ta’ talba skont is-sezzjoni (a) ta’ hawn fuq u jibagħtuhom lura mimlija kif meħtieġ fl-iskadenzi stipulati hawn taħt. Il-kwestjonarju mwieġeb u komplut għandu jitressaq fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Għandu jiġi enfasizzat li, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tistabbilixxi marġni individwali ta’ dumping għal dawk il-produtturi esportaturi fil-pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq, għandu jkun hemm provi li dawn jissodisfaw il-kriterji sabiex jingħataw trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jew għall-inqas trattament individwali (“TI”) kif speċifikat fit-Taqsima 5.1.2.2. hawn taħt.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni individwali ta’ dumping għandhom ikunu konxji li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni individwali ta’ dumping tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi jkun tant kbir li tali determinazzjoni tkun partikolarment diffiċli u ma tippermettix li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.1.2.   Il-proċedura fir-rigward tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li m’għandux ekonomija tas-suq

5.1.2.1.   L-għażla ta’ Pajjiż b’Ekonomija tas-Suq

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tas-sezzjoni 5.1.2.2 hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina l-valur normali għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur ikkalkolat f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan il-għan il-Kummissjoni għandha tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq addattat. Il-Kummissjoni proviżorjament għażlet lill-Istati Uniti tal-Amerika. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkumentaw dwar l-adegwatezza ta' din l-għażla fi żmien 10t ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.1.2.2.   It-trattament ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

B’konformità mal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat, li jqisu li fir-rigward tal-manifattura jew il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat, għalihom jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq, jistgħu jissottomettu talba sostanzjata kif suppost għal dan il-għan (“talba għat-TES”). Trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jingħata jekk l-evalwazzjoni tat-talba għat-TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament (6) bażiku huma ssodisfati. Il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw TES se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

Produtturi esportaturi individwali fil-pajjiż ikkonċernat jistgħu wkoll, jew bħala alternattiva, jitolbu trattament individwali (“TI”). Biex jingħataw TI dawn il-produtturi esportaturi għandhom jipprovdu evidenza li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (7). Il-marġini ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw TI jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess. Il-valur normali għall-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jkun ibbażat fuq il-valuri stabbiliti għall-pajjiż terz magħżul b’ekonomija tas-suq kif deskritt fuq.

(a)   It-Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (TES)

Il-Kummissjoni se tibgħat il-formoli ta’ applikazzjoni għat-TES lill-produtturi esportaturi kollha magħżula fil-pajjiż ikkonċernat biex ikunu parti mill-kampjun u lill-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kkooperaw u li jixtiequ japplikaw għal marġni individwali ta’ dumping, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi esportaturi, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Il-produtturi esportaturi kollha li jitolbu TES għandhom jissottomettu l-formola ta’ talba għat-TES mimlija fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun jew tad-deċiżjoni li ma jintgħażilx kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(b)   It-Trattament individwali (TI)

Biex japplikaw għat-TI, il-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat magħżula biex ikunu fil-kampjun u l-produtturi esportaturi mhux fil-kampjun li kkooperaw u li jixtiequ japplikaw għal marġni individwali ta’ dumping għandhom jissottomettu l-formola ta’ talba għat-TES bit-taqsimiet rilevanti għat-TI mimlija kif xieraq fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.1.3.   L-investigazzjoni ta' produtturi mhux relatati  (8)  (9)

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni qabel l-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas għal għadd raġonevoli l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati li sejrin ikunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, b’dan qed jintalbu jippreżentaw rwieħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-feks u l-persuna ta’ kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

il-fatturat totali għall-perjodu bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010,

il-volum f’m2 u l-valur f’euro tal-importazzjonijiet u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni bejn l-1 ta’ April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010 tal-prodott importat li qed jiġi investigat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (10) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat,

kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi t-tagħrif ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal importaturi li ma jikkooperawx huma bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għall-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jissottomettu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi kkunsidrat fl-Unjoni u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa jkunu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati li qegħdin fil-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom iressqu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut għandu jinkludi tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ mill-ġdid tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara

Ħsara tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew theddid ta’ ħsara materjali lill-industrija, jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ tali industrija. Id-determinazzjoni ta’ dannu hija bbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv tal-volum ta’ importazzjonijiet soġġetti għal dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni għal prodotti simili u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Biex ikun stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni ta' produtturi tal-Unjoni

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi stabbiliti, il-Kummissjoni tista’ tnaqqas għal numru raġonevoli l-għadd ta’ produtturi tal-Unjoni li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk iva, tagħżel kampjun, il-produtturi tal-Unjoni kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, b’dan qed jintalbu jidentifikaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu t-tagħrif li ġej dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-feks u l-persuna ta’ kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

il-valur f'euro tal-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat li sar fis-suq tal-Unjoni bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010,

il-volum f'm2 tal-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat li sar fis-suq tal-Unjoni bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010,

il-volum f'm2 tal-produzzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010,

il-volum f'm2 importat fl-Unjoni, tal-prodott li qed jiġi investigat manifatturat fil-pajjiż ikkonċernat bejn l-1 ta' April 2009 u l-31 ta' Marzu 2010, jekk applikabbli,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (11) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat (kemm jekk prodott fl-Unjoni kif ukoll fil-pajjiż ikkonċernat),

kull tagħrif rilevanti ieħor li jista' jgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Jekk kwalunkwe parti minn dan it-tagħrif ikun diġà tressaq lis-Servizzi tal-Kummissjoni għad-Difiża tal-Kummerċ, il-kumpaniji ma għandhomx għalfejn jerġgħu jissottomettuha. Meta tidentifika lilha nnifisha u tipprovdi l-informazzjoni ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid twieġeb kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, jitqies li din ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għal produtturi tal-Unjoni li ma jikkooperawx huma msejsa fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni.

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jkunu nnotifikati mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li hu meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni magħżula għall-kampjun u lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet għandhom jissottomettu l-kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju komplut se jkun fih tagħrif dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija (jew kumpaniji) tagħhom, dwar il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija (jew kumpaniji) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija (jew kumpaniji) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, l-ispiża tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.3.    Il-proċedura għall-evalwazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u ħsara kkawżata minħabba f’hekk, se tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri tal-anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Il-produtturi, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, il-fornituri u l-assoċjazzjonijiet rapreżentattivi tagħhom u organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi tal-Unjoni huma mistiedna jippreżentaw rwieħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Biex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fil-limitu tal-iskadenza, li hemm konnessjoni oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw rwieħhom fil-limitu ta’ żmien stipulat hawn fuq jistgħu jipprovdu tagħrif lill-Kummissjoni dwar jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tkunx fl-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Dan it-tagħrif jista’ jingħata kemm billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni u kemm f'format ħieles li idealment ikopri kwistjonijiet koperti minn dan il-kwestjonarju. Fi kwalunkwe każ, it-tagħrif imressaq skont l-Artikolu 21 jitqies biss jekk ikun appoġġjat minn evidenza fattwali meta jitressaq.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha b'dan huma mistiedna juru fehmiethom, iressqu t-tagħrif u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, dan it-tagħrif u evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Il-proċedura biex isiru sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha, inklużi t-tagħrif sottomess għall-għażla tal-kampjuni, il-formoli mimlija ta' talba għat-TES, il-kwestjonarji mimlija u kwalunkwe aġġornament tagħhom, li jsiru mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub kemm fuq karta kif ukoll f’format elettroniku, u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-feks tal-parti interessata. Jekk parti interessata ma tkunx tista’ tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku għal raġunijiet tekniċi, din għandha tinforma lill-Kummissjoni minnufih.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inklużi l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristretti” (12)

Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif “Ristrett” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali ta' dan skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għal spezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u tal-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista’ jiġi injorat.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Feks +32 22979805

Posta elettronika: trade-ad-ceramic-tiles-china@ec.europa.eu

6.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix it-tagħrif meħtieġ fl-iskadenzi stipulati, jew b’mod sinifikanti tfixkel l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat tagħrif falz jew qarrieqi, it-tagħrif jista' jiġi injorat u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ tad-DĠ Kummerċ. L-uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-iskadenzi u t-talbiet għal smigħ minn partijiet terzi. L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

Talba għal seduta mal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ għandha issir bil-miktub u għandha tispeċifika għal liema raġunijiet tkun qiegħda titressaq. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati opinjonijiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost oħrajn, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Smigħ bħal dan, bħala regola, isir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar tagħrif u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal għas-Seduti tas-Smigħ fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: (http://ec.europa.eu/trade/issues/respectrules/ho/index_en.htm).

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tingħalaq, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar ta’ dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-dejta (13).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Id-dumping huwa l-prattika ta' bejgħ ta’ prodott għall-esportazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) bi prezz aktar baxx mill-“valur normali” tiegħu. Il-valur normali ġeneralment jitqies bħala prezz komparabbli għall-prodott “simili” fis-suq domestiku tal-pajjiż li jesporta. It-terminu “prodott simili” huwa interpretat li jfisser prodott li jixbah fl-aspetti kollha lill-prodott ikkonċernat jew, fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott li jixbah ħafna lill-prodott.

(3)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament jew permezz ta’ parti terza, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ intern jew fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat. L-esportaturi li mhumiex produtturi normalment ma jkunux intitolati għal rata ta’ dazju individwali.

(4)  Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, u l-Ungerija.

(5)  Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min jimpjiega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta' kwoti ta' ishma li jivvutaw jew it-tnejn; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien huma direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) ikunu membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(6)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-ispejjeż ta’ negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat; (ii) il-kumpaniji għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords ta’ kontabilità bażika li jiġu vverifikati b’mod indipendenti skont standards internazzjonali ta’ kontabilità u li jiġu applikati għall-għanijiet kollha; (iii) m’hemmx tagħwiġ sinifikanti ttrasferit mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet tal-falliment u tal-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabbilità legali u (v) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

(7)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) fil-każ ta’ kumpaniji jew impriżi konġunti totalment jew parzjalment f’idejn barranin, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-profitti; (ii) iil-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ esportazzjoni u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma ddeterminati liberament; (iii) il-parti l-kbira tal-ishma jappartjenu lil persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jiffurmaw parti mill-Bord tad-Diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet maniġerjali ewlenin għandhom ikunu f’minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed mill-indħil tal-Istat; (iv) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq u (v) l-indħil mill-Istat mhuwiex tali li jippermetti evażjoni tal-miżuri jekk esportaturi individwali jingħataw rati differenti ta’ dazju.

(8)  Importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi biss jistgħu jintgħażlu għall-kampjun. L-importaturi li jkunu relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 mal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota 5 ta’ qiegħ il-paġna.

(9)  Id-dejta pprovduta minn importaturi li mhumiex relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni barra mid-determinazzjoni tad-dumping.

(10)  Ara n-nota 5, f’qiegħ il-paġna.

(11)  Ara n-nota 5, f’qiegħ il-paġna.

(12)  Dan id-dokument huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343 22.12.2009 p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehima tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT tal-1994 (Ftehima dwar l-Anti-Dumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(13)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ATTI OĦRAJN

Il-Kummissjoni Ewropea

19.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 160/27


Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi miżjuda fil-lista msemmija fl-Artikoli 7(1) u 7(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 532/2010

2010/C 160/07

1.

Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2007/140/PESK (1) tipprovdi, fost miżuri oħrajn, għall-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ persuni naturali jew ġuridiċi, entitajiet u korpi nnominati fl-Anness tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCR) 1737 (2006), kif ukoll dawk ta’ persuni, entitajiet u korpi addizzjonali nnominati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jew mill-Kumitat relevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà skont il-paragrafu 12 tal-UNSCR 1737 (2006) u l-paragrafu 7 tal-UNSCR 1803 (2008).

2.

Fid-9 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ddeċieda li jinnomina persuna naturali waħda u 40 persuna ġuridika, entità jew korp skont dawn il-paragrafi. Il-persuni naturali jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati jistgħu jippreżentaw f’kull waqt talba lin-NU, flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ appoġġ, biex id-deċiżjoni li jiġu nnominati terġa’ titqies. Talba bħal din għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

United Nations — Focal point for delisting

Security Council Subsidiary Organs Branch

Room S-3055 E

New York, NY 10017

UNITED STATES OF AMERICA

Għal aktar informazzjoni ara: http://www.un.org/sc/committees/dfp.shtml

3.

Skont id-deċiżjonijiet tan-NU msemmija fil-punt 2, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 532/2010 (2), li jemenda l-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (3).

Għaldaqstant, il-miżuri li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 japplikaw għall-persuni naturali jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati:

(a)

l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi li huma proprjetà tal-persuni, entitajiet jew il-korpi kkonċernati, jew li huma posseduti, miżmuma jew ikkontrollati minnhom u l-projbizzjoni li jitpoġġew fondi u riżorsi ekonomiċi għad-dispożizzjoni tagħhom jew għall-benefiċċju tagħhom, kemm direttament u kif ukoll indirettament (Artikoli 7(1) u 7(3));

kif ukoll

(b)

il-projbizzjoni ta' parteċipazzjoni, konsapevolment u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett taghhom hu li, direttament jew indirettament, jiġu evitati l-miżuri msemmija fil-punt (a) hawn fuq.

4.

Il-persuni naturali jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi miżjuda mal-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, permezz tar-Regolament (UE) Nru 532/2010 u b’riżultat tad-deċiżjonijiet tan-NU tad-9 ta’ Ġunju 2010, jistgħu jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-opinjonijiet tagħhom dwar l-elenkar tagħhom. Din il-komunikazzjoni għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea

“Miżuri Restrittivi”

Rue de la Loi/Wetstraat 200

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

5.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni naturali jew ġuridiċi, tal-entitajiet u l-korpi kkonċernati għall-possibbiltà ta' kontestazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 532/2010 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 263(4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.

Id-dejta personali tal-persuni naturali kkonċernati mill-elenkar tar-Regolamenti (UE) Nru 532/2010 se tiġi pproċessata skont ir-regoli tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (4). Kull talba, pereżempju għal aktar informazzjoni jew sabiex jiġu eżerċitati d-drittijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandha tintbagħat lill-Kummissjoni, fl-istess indirizz imsemmi fil-punt 4 aktar ’il fuq.

7.

Għall-kompletezza, qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni naturali u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness I għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i relevanti, kif indikat fis-siti tal-internet elenkati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 423/2007, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni għall-użu ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati għall-ħtiġijiet bażiċi tagħhom jew biex jagħmlu ħlasijiet speċifiċi skont l-Artikolu 10 ta' dak ir-Regolament, jew awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 8 jew l-Artikolu 9 tar-Regolament.


(1)  ĠU L 61, 28.2.2007, p. 49.

(2)  ĠU L 154, 18.6.2010, p. 5

(3)  ĠU L 103, 20.4.2007, p. 1.

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.