ISSN 1725-5198

doi:10.3000/17255198.CE2010.067.mlt

Il-Ġurnal Uffiċjali

tal-Unjoni Ewropea

C 67E

European flag  

Edizzjoni bil-Malti

Informazzjoni u Avviżi

Volum 53
18 ta' Marzu 2010


Avviż Nru

Werrej

Paġna

 

I   Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

 

Parlament Ewropew

 

It-Tlieta, 3 ta' Frar 2009

2010/C 067E/01

In-natura selvaġġa fl-Ewropa
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-natura selvaġġa fl-Ewropa (2008/2210(INI))

1

2010/C 067E/02

Aġenda għal Ġejjieni Sostenibbli għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar Aġenda għal Ġejjieni Sostenibbli għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali (2008/2134(INI))

5

2010/C 067E/03

L-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta' kwalità għolja fl-Ewropa
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar l-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta' kwalità għolja fl-Ewropa (2008/2139(INI))

10

2010/C 067E/04

It-tieni analiżi strateġika tal-politika dwar l-Enerġija
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar it-tieni analiżi strateġika tal-politika dwar l-Enerġija (2008/2239(INI))

16

2010/C 067E/05

In-non-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-non-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali (2008/2118(INI))

31

2010/C 067E/06

Il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 lill-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (2008/2144(INI))

38

2010/C 067E/07

It-twaqqif mill-ġdid tax-xandir bit-televiżjoni NTDTV fiċ-Ċina permezz tal-Eutelsat
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-twaqqif mill-ġdid tax-xandir bit-televiżjoni NTDTV fiċ-Ċina permezz tal-Eutelsat

42

 

L-Erbgħa, 4 ta' Frar 2009

2010/C 067E/08

L-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2009 dwar l-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima (2008/2105(INI))

44

ANNESS A

82

ANNESS B

84

2010/C 067E/09

L-Isfida tal-effiċjenza tal-enerġija permezz tat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2009 dwar l-isfida tal-effiċjenza tal-enerġija permezz tat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni

85

2010/C 067E/10

Ir-rilokazzjoni tal-priġunieri tal-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Frar 2009 dwar ir-ritorn u r-rilokazzjoni tal-priġunieri tal-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo

91

 

Il-Ħamis, 5 ta' Frar 2009

2010/C 067E/11

Implimentazzjoni fl-UE tad-Direttiva 2003/9/KE dwar il-kundizzjonijiet biex jintlaqgħu r-refuġjati u dawk li jitolbu ażil: żjarat tal-Kumitat LIBE mill-2005 sal-2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar l-implimentazzjoni fl-UE tad-Direttiva 2003/9/KE dwar il-kundizzjonijiet biex jintlaqgħu r-refuġjati u dawk li jitolbu ażil: żjarat tal-Kumitat LIBE mill-2005 sal-2008 (2008/2235(INI))

94

2010/C 067E/12

It-tisħiħ tal-irwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar it-tisħiħ tal-irwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali (2008/2205(INI))

101

2010/C 067E/13

Il-Kummerċ Internazzjonali u l-Internet
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-Internet (2008/2204(INI))

112

2010/C 067E/14

L-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs)
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) (2008/2170(INI))

120

2010/C 067E/15

Il-Kosovo
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-Kosovo u l-irwol tal-UE

126

2010/C 067E/16

Ir-Relazzjonijiet Kummerċjali u Ekonomiċi maċ-Ċina
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar ir-Relazzjonijiet Kummerċjali u Ekonomiċi maċ-Ċina (2008/2171(INI))

132

2010/C 067E/17

Sri Lanka
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar Sri Lanka

141

2010/C 067E/18

Is-sitwazzjoni tar-refuġjati Burmani fit-Tajlandja
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Burmani fit-Tajlandja

144

2010/C 067E/19

Iċ-ċaħda għall-estradizzjoni mill-Brażil ta' Cesare Battisti
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar iċ-ċaħda għall-estradizzjoni mill-Brażil ta' Cesare Battisti

146

 

II   Informazzjoni

 

Parlament Ewropew

 

It-Tlieta, 3 ta' Frar 2009

2010/C 067E/20

It-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Miloslav Ransdorf
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Miloslav Ransdorf (2008/2176(IMM))

148

 

III   Atti preparatorji

 

Parlament Ewropew

 

It-Tlieta, 3 ta' Frar 2009

2010/C 067E/21

Ftehim KE/l-Istati Uniti għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika *
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-estensjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika (COM(2008)0581 – C6-0392/2008 – 2008/0184(CNS))

149

2010/C 067E/22

It-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn il-KE u r-Russja *
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-Konklużjoni ta' Ftehim immirat lejn it-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa (COM(2008)0728 – C6-0456/2008 – 2008/0209(CNS))

150

 

L-Erbgħa, 4 ta' Frar 2009

2010/C 067E/23

Sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali ***I
Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (COM(2007)0249 – C6-0143/2007 – 2007/0094(COD))

151

P6_TC1-COD(2007)0094Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-19 ta' Frar 2009 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi standards minimi dwar sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali

151

 

Il-Ħamis, 5 ta' Frar 2009

2010/C 067E/24

Azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi *
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (COM(2008)0431 – C6-0313/2008 – 2008/0131(CNS))

152

2010/C 067E/25

It-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf (COM(2008)0124 – C6-0128/2008 – 2008/0050(COD))

155

P6_TC1-COD(2008)0050Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Frar 2009 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru .../2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf, li temenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 u li tirrifjuta d-Direttivi 79/373/KEE, 80/511/KEE, 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni 2004/217/KE

155

ANNESS

156

Tifsira tas-simboli użati

*

Proċedura ta' konsultazzjoni

**I

Proċedura ta' konsultazzjoni: l-ewwel qari

**II

Proċedura ta' konsultazzjoni: it-tieni qari

***

Proċedura ta' parir konformi

***I

Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari

***II

Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari

***III

Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tielet qari

(It-tip ta' proċedura tiddependi mill-bażi legali proposta mill-Kummissjoni)

Emendi politiċi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u qawwija; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▐.

Korrezzjonijiet u adattamenti tekniċi tas-servizzi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva rqiqa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ║.

MT

 


I Riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet

Parlament Ewropew

It-Tlieta, 3 ta' Frar 2009

18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/1


In-natura selvaġġa fl-Ewropa

P6_TA(2009)0034

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-natura selvaġġa fl-Ewropa (2008/2210(INI))

(2010/C 67 E/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (1) (id-'Direttiva dwar l-Għasafar'),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (2) (id-'Direttiva dwar il-Ħabitats'),

wara li kkunsidra n-netwerk ekoloġiku tal-Unjoni Ewropea dwar żoni speċjali ta' konservazzjoni stabbiliti miż-żewġ Direttivi msemmija hawn fuq, imsejjaħ in-netwerk “Natura 2000”,

wara li kkunsidra r-riżultat tad-disa' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 9) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika,

wara li kkunsidra r-Rapport Nru 3/2008 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent “Il-foresti Ewropej - il-kundizzjonijiet tal-ekosistema u l-użu sostenibbli”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0478/2008),

A.

billi l-protezzjoni effettiva u, fejn hemm bżonn, ir-ristawr tal-aħħar żoni fi stat naturali fl-Ewropa huma importanti biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2010,

B.

billi l-objettiv li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sal-2010 mhux se jinkiseb u billi diġà qed jinħass l-impatt soċjali u ekonomiku negattiv tat-telf tal-bijodiversità u tat-tnaqqis tas-servizzi tal-ekosistema,

C.

billi l-Unjoni Ewropea għandha tibni fuq kisbiet attwali bħalma hija Natura 2000 u tiżviluppa qafas ġdid ta' politika li jkun imsaħħaħ u ambizzjuż b'mod sinifikanti għall-bijodiversità wara l-2010,

D.

billi d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats jipprovdu qafas sod u realistiku għall-protezzjoni tan-natura, inklużi żoni fi stat naturali, minn żviluppi li jagħmlu l-ħsara,

E.

billi l-objettivi tal-politika tal-bijodiversità tal-Unjoni Ewropea u d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats għadhom 'il bogħod milli jiġu integrati b'mod xieraq fil-politiki settorjali, bħalma huma l-agrikoltura, l-iżvilupp reġjonali, l-enerġija jew it-trasport,

F.

billi ħafna żoni fi stat naturali jipprovdu ħażniet importanti ta' karbonju, li l-protezzjoni tagħhom hija importanti kemm għall-bijodiversità kif ukoll għall-protezzjoni tal-klima,

G.

billi l-impatti ta' speċi aljeni invażivi fuq il-bijodiversità jikkostitwixxu theddida partikolarment serja għaż-żoni fi stat naturali, fejn is-sejba bikrija ta' speċi invażivi tista' ma tkunx possibbli, u fejn tista' ssir ħsara ekoloġika u ekonomika sinifikanti qabel ma tkun tista' tittieħed azzjoni,

Definizzjoni u t-tħejjija ta' mapep

1.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-inħawi fi stat naturali; id-definizzjoni għandha tindirizza aspetti bħas-servizzi tal-ekosistema, il-valur ta' konservazzjoni, il-bidla fil-klima u l-użu sostenibbli;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti mandat lill-ŻEE u lil entitajiet Ewropej relevanti l-oħra biex jagħmlu mappa tal-aħħar inħawi Ewropej fi stat naturali, biex jivverifikaw id-distribuzzjoni attwali, il-livell ta' bijodiversità u l-erja ta' nħawi li għadhom mhux mimsusa kif ukoll ta' nħawi fejn ftit li xejn hemm attività tal-bniedem (imqassma f'tipi ta' ħabitats ewlenin: foresti, ilma ħelu u żoni tal-baħar fi stat naturali);

3.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel studju dwar il-valur u l-benefiċċji tal-protezzjoni ta' nħawi fi stat naturali; l-istudju għandu jindirizza b'mod partikulari l-kwistjonijiet tas-servizzi tal-ekosistemi, il-livell ta' bijodiversità tal-inħawi fi stat naturali, l-adattament għall-bidla fil-klima u t-turiżmu naturalistiku sostenibbli;

Żvilupp tal-inħawi fi stat naturali

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġija tal-UE dwar l-inħawi fi stat naturali, li tkun koerenti mad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, permezz ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema li jidentifika l-ispeċi u l-bijotopi mhedda, u li jiffissa prijoritajiet;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw l-inħawi fi stat naturali; jenfasizza l-bżonn li jiġi pprovdut finanzjament speċjali biex titnaqqas il-frammentazzjoni, biex ikun hemm immaniġġjar meqjus ta' nħawi maħsuba biex jitreġġgħu lura għall-istat naturali, biex jiġu żviluppati programmi u mekkaniżmi ta' kumpens, biex titqajjem u titkattar il-kuxjenza, u biex jiġu introdotti kunċetti relatati mal-inħawi fl-istat naturali, bħall-irwol ta' proċessi naturali ħielsa u l-elementi strutturali li jirriżultaw minn dawn il-proċessi, fil-monitoraġġ u l-kejl tal-istatus ta' konservazzjoni favorevoli; jikkunsidra li dan ix-xogħol għandu jitwettaq f'kooperazzjoni mal-popolazzjoni lokali u partijiet interessati oħra;

Promozzjoni

6.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoperaw mal-organizzazzjonijiet lokali mhux governattivi, mal-partijiet interessati u mal-popolazzjoni lokali biex jippromwovu l-valur tal-inħawi fi stat naturali;

7.

Jistieden lill-Istati Membri biex iniedu u jappoġġjaw kampaniji ta' informazzjoni biex titqajjem kuxjenza fost il-pubbliku ġenerali dwar l-inħawi fi stat naturali u s-sinifikat tagħhom u sabiex titrawwem l-idea li l-ħarsien tal-bijodiversità jista' jkun kompatibbli mat-tkabbir ekonomiku u mal-impjiegi;

8.

Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu skambju tal-esperjenzi tagħhom dwar l-aħjar prattiki u dwar lezzjonijiet li jkunu tgħallmu dwar l-inħawi fi stat naturali billi jinġiebu flimkien esperti Ewropej ewlenin sabiex jeżaminaw il-kunċett tal-inħawi naturali fl-Unjoni Ewropea u jpoġġu l-inħawi naturali fuq l-aġenda Ewropea;

9.

Fid-dawl tal-ħsara li t-turiżmu ħalla u għadu jħalli, fatt iddokumentat sew, fuq il-biċċa l-kbira tal-wirt naturali prezzjuż Ewropew, jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li t-turiżmu, anke meta dan ikun iffokat sabiex jintroduċi lill-viżitaturi għall-ħabitats u l-fawna salvaġġa ta' nħawi fi stat naturali, jittieħed ħsieb sew tiegħu, u jsir użu sħiħ mill-esperjenza miksuba fl-Ewropa, u 'l barra minnha, dwar kif jista' jiġi mminimizzat l-impatt, jekk ikun il-każ, skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats; għandhom jiġu kkunsidrati dawk il-mudelli fejn l-inħawi fi stat naturali jkunu magħluqa (ħlief għal riċerka xjentifika awtorizzata), iżda fejn parti limitata tkun miftuħa għal turiżmu sostenibbli ta' kwalità għolja bbażat fuq l-esperjenza tal-ambjent naturali u li minnu jibbenefikaw il-komunitajiet lokali;

Protezzjoni aħjar

10.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni speċjali biex ikun hemm protezzjoni effettiva taż-żoni fi stat naturali;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika t-theddid immedjat marbut mal-inħawi fi stat naturali;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa rakkomandazzjonijiet xierqa li jiggwidaw lill-Istati Membri dwar l-aħjar strateġiji biex ikun garantit il-ħarsien tal-ħabitats naturali;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproteġu aħjar l-inħawi fi stat naturali billi jimplimentaw id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (3) u d-Direttiva Qafas dwar Strateġija għall-Baħar (4) b'mod aktar effettiv u aktar konsistenti, b'finanzjament aħjar, biex tiġi evitata l-qerda ta' dawn l-inħawi minħabba żvilupp li jagħmel il-ħsara u li ma jkunx sostenibbli;

14.

Jilqa r-reviżjoni tad-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats bil-għan, jekk ikun il-każ, li dawn jiġu emendati sabiex jipprovdu ħarsien aħjar għall-ispeċi u l-bijotopi mhedda;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni biex taċċetta l-Inizjattiva “Wild Europe”, li hija sħubija ta' diversi organizzazjonijiet għall-ħarsien tan-natura li tinkludi lill-IUCN, lill-IUCN-WCPA, lid-WWF, lill-Birdlife International u lill-PAN Parks, li għandhom interess qawwi f'artijiet fi stat naturali jew li kważi huma fi stat naturali;

Żoni fi Stat Naturali u Natura 2000

16.

Jistieden lill-Kummissjoni, b'koperazzjoni mal-partijiet interessati, biex tiżviluppa linji gwida ta' kif tipproteġi, tmexxi, tuża b'mod sostenibbli, tagħmel monitoraġġ u tiffinanzja l-inħawi fi stat naturali fl-ambitu tan-netwerk ta' Natura 2000, speċjalment fir-rigward tal-isfidi li ġejjin, bħall-bidla fil-klima, il-qtugħ illegali ta' siġar u t-talba dejjem tikber għall-beni;

17.

Jesprimi tħassib serju dwar il-politika Ewropea dwar il-bijodiversità minħabba n-nuqqas ta' fondi għall-immaniġġjar tan-netwerk Natura 2000; jistieden f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni sabiex, kif previst fid-Direttiva dwar il-Ħabitats, tħejji konfinanzjament Komunitarju għall-immaniġġjar tas-siti fl-Istati Membri;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti status speċjali u protezzjoni aktar stretta liż-żoni fi stat naturali fin-netwerk ta' Natura 2000;

19.

Iqis li l-politika dwar l-iżvilupp rurali u l-integrazzjoni tal-ħarsien ambjentali fis-settur agrikolu tal-UE jridu jissaħħu; huwa tal-opinjoni, madankollu, li l-Fond għall-Iżvilupp Rurali mhuwiex biżżejjed biex jiffinanzja l-bijodiversità u l-ħarsien ta' nħawi fi stat naturali f'termini ta' riżorsi, ta' programmazzjoni u tal-għarfien espert;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li n-netwerk ta' Natura 2000 jissaħħaħ aktar biex isir netwerk ekoloġiku koerenti u li jiffunzjona u li fih l-inħawi fi stat naturali jkollhom post ċentrali; jenfasizza l-ħtieġa għal politiki koerenti, partikolarment f'oqsma bħall-politika agrikola komuni, it-trasport, l-enerġija, u l-baġit, sabiex ma jiddgħajfux l-objettivi ta' ħarsien tan-Natura 2000;

Speċi aljeni invażivi

21.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien sabiex jiżviluppaw qafas leġiżlattiv sod dwar l-ispeċi aljeni invażivi li jittratta kemm l-impatt ekoloġiku kif ukoll dak ekonomiku li jirriżultaw minħabba dawn l-ispeċi u l-vulnerabilità partikolari ta' żoni fi stat naturali għal din it-theddida;

Inħawi fi stat naturali u bidla fil-klima

22.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmoniterja u tevalwa l-impatt tal-bidla fil-klima fuq l-inħawi fi stat naturali;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-ħarsien tal-inħawi fi stat naturali fl-istrateġija tagħhom meta jindirizzaw il-bidla fil-klima;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fir-rigward tal-bidla fil-klima, twettaq riċerka u tipprovdi gwida dwar kif u meta l-intervent tal-bniedem jista' jimmaniġġja l-inħawi fi stat naturali sabiex dawn jitħarsu;

*

* *

25.

Juri l-appoġġ qawwi tiegħu għat-tisħiħ tal-politiki u l-miżuri relatati mal-inħawi fi stat naturali;

26.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1.

(2)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(3)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(4)  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-17 ta' Ġunju 2008 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ambjent tal-baħar (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/5


Aġenda għal Ġejjieni Sostenibbli għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali

P6_TA(2009)0036

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar Aġenda għal Ġejjieni Sostenibbli għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali (2008/2134(INI))

(2010/C 67 E/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni msemmija “Aġenda għal Ġejjieni Sostenibbli għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali” (COM(2007)0869) tal-11 ta' Jannar 2007,

wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 Ġunju 2008 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni (COM(2008)0388),

wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u li jabroga d-Direttiva tal-Kunsill 2006/23/KE (COM(2008)0390),

wara li kkunsidra d--Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fi ħdan l-skema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett tas-serra fi ħdan il-Komunità (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta' Ajru Uniku Ewropew (2), ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru fl-Ajru Uniku Ewoprew (3), u r-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja fl-ajru uniku Ewropew (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (5) (Regolament tal-EASA),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta' Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta' slots f'ajruporti tal-Komunità (6) (Regolament tal-Allokazzjoni ta' Slots),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 375/2007 tat-30 ta' Marzu 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1702/2003 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni biex inġenji tal-ajru, prodotti, partijiet u tagħmir relatat jiġu ċertifikati bħala tajbin għall-ajru u li ma jagħmlux ħsara ambjentali, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni tagħhom (7),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2007 tat-30 ta' Marzu 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2042/2003 dwar il-kapaċità kontinwata li jintużaw fl-ajru ta' inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiku, u dwar l-approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet u persunal involut f'dan ix-xogħol (8),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tal-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistema ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropea (SESAR) (9),

wara li kkunsidra l-proġett Inġennji tal-Ajru Żgħar Ekonomikament Effiċjenti (CESAR) iffinanzjat skont is-Sitt Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Ġunju 2008 bl-isem “L-Ajru Uniku Ewropew II”: lejn avjazzjoni aktar sostenibbli u bi prestazzjoni aħjar' (COM(2008)0389),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-24 ta' Jannar 2007 bl-isem “Pjan ta' azzjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sikurezza tal-ajruporti fl-Ewropa” (COM (2006) 0819),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' April 2008 jisimha “Dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta' slots f'ajruporti tal-Komunità, kif emendat” (COM(2008)0227),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Marzu 2007 bl-isem “L-istat tal-progress tal-proġett għall-implimentazzjoni tal-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistema Ewropea għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)” (COM(2007)0103),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0501/2008),

A.

billi l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali tinkludi varjetà ta' attivitajiet marbuta mal-inġenji tal-ajru; billi t-terminu jkopri l-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru ċivili kollha minbarra t-trasport kummerċjali bl-ajru kif ukoll l-operazzjonijiet ta' trasport bl-ajru b'rikjesta, bi ħlas u ċivili,

B.

billi dan is-settur jinkludi wkoll attivitajiet ta' valur għoli daqstant varjati, bħal ħidmiet speċjalizzati mill-ajru (kartografija mill-ajru, titjiriet agrikoli, tifi tan-nar, sorveljanza tat-traffiku), taħriġ tal-avjazzjoni u titjir rikreazzjonali,

C.

billi bħalissa hemm nuqqas ta' dejta u informazzjoni statistika dwar l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali,

D.

billi l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali hija s-sezzjoni tal-avjazzjoni ċivili li qed tikber bl-aktar rata mgħaġġla fl-Ewropa; billi l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali tikkomplementa t-trasport bl-ajru regolari magħmul mil-linji tal-ajru kummerċjali u għalhekk tipprovdi benefiċċji soċjali u kummerċjali speċifiċi ngħidu aħna billi żżid il-mobilità taċ-ċittadini, il-produttività tan-negozji u l-koeżjoni reġjonali,

E.

billi l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali għandha importanza ekonomika li qiegħda dejjem tikber, b'mod partikulari għall-industrija tal-manifattura Ewropea, li kontinwament żiedet is-sehen tagħha fis-suq dinji u għandha potenzjal konsiderevoli biex tkompli tikber,

F.

billi l-politika tal-avjazzjoni tal-UE tradizzjonalment iffukat fuq it-trasport kummerċjali bl-ajru, filwaqt li ma kkunsidratx kif xieraq l-impatt tagħha fuq l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali, li kulma jmur qiegħed jiżdied,

G.

billi r-regoli maħsuba biex jirregolaw l-operat ta' inġenji tal-ajru kummerċjali komplessi ħafna jafu jpoġġu piż finanzjarju u regolatorju sproporzjonat fuq l-operaturi ta' inġenji tal-ajru privati żgħar; billi, għalhekk, irriżulta li strateġiji regolatorji maħsubin bil-mentalità li dak li jgħodd għal wieħed jgħodd għal kulħadd u l-infurzar uniformi ta' regoli fis-setturi differenti tal-avjazzjoni huma inadegwati f'ċerti aspetti,

H.

billi l-aċċess għall-ispazju tal-ajru u għall-ajrudromi huwa kwistjoni ewlenija għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali; billi l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali kulma jmur qiegħda f'kompetizzjoni għal aċċess għall-ispazju tal-ajru u għall-ajrudromi mal-industrija usa' tal-linji tal-ajru,

1.

Jilqa' b'mod ġenerali l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali minħabba li tipprovdi analiżi soda tal-kwistjonijiet li qed jaffettwaw is-settur u tidentifika numru ta' approċċi xierqa biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi ta' dan is-settur fi ħdan qafas ta' djalogu permanenti bejn il-partijiet kollha involuti;

Regolament proporzjonat u sussidjarjetà

2.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu l-interessi u l-partikolaritajiet tal-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali fl-iżvilupp tal-inizjattivi futuri dwar il-politika tat-trasport bl-ajru, bil-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tagħha; f'dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà fit-tifsil u l-implimentazzjoni kemm tal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll ta' dik futura dwar l-avjazzjoni;

3.

Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-bżonn li jitwettqu, fuq bażi sistematika, valutazzjonijiet tal-impatt segmentati sabiex jilqgħu għad-differenzjazzjoni tar-regolamenti li jaffettwaw il-kategoriji differenti ta' intrapriżi u utenti tal-ispazju tal-ajru, jekk ikun neċessarju u sakemm dan ma jikkompromettix is-sikurezza;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex filwaqt li tkun qed tadotta r-regoli ta' implimentazzjoni dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, tiżgura li dawn ikunu proporzjonati u jaqblu mal-kategorija rispettiva tal-inġenji tal-ajru u l-operazzjoni;

5.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-adattament riċenti tal-istandards ta' manutenzjoni għall-inġenji tal-ajru mhux involuti fit-trasport kummerċjali bl-ajru u b'mod partikulari għall-inġenji tal-ajru li mhumiex klassifikati bħala “inġenji tal-ajru mħaddma b'magna kumplessa” bħala eżempju tajjeb ta' regolament proporzjonat;

6.

Jikkunsidra li jkun xieraq li għal dak li għandu x'jaqsam mal-avjazzjoni ġenerali jkun hemm ċertu livell ta' flessibilità fl-istadju tal-implimentazzjoni; jemmen li dan jista' jinkiseb billi ċerti poteri ta' superviżjoni jiġu ddelegati lill-assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet tal-isport u rikreattivi soġġett għas-sovrintendenza adegwata mill-awtorità tal-avjazzjoni rilevanti u sakemm ma jkunx hemm kunflitt tal-interessi;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-possibilità li jiġu stabbiliti proċeduri ta' sigurtà ssemplifikati u proċessi ta' screening għall-passiġġieri tal-avjazzjoni kummerċjali mingħajr ma jiġu pperikolati b'xi mod is-sikurezza u s-sigurtà;

8.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika dwar il-miżuri ta' sigurtà f'ajruporti ta' daqs żgħir u medju;

Il-kapaċità tal-ajruporti u tal-ispazju tal-ajru

9.

Jinnota li qed issir dejjem aktar diffiċli biex l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali tikseb aċċess mhux biss għall-ajruporti ewlenin iżda wkoll għall-ajruporti reġjonali minħabba li d-domanda li kulma jmur qed tikber mit-trasport tal-ajru kummerċjali qed tagħfas fuq id-disponibilità ta' slots u postijiet ta' parkeġġ;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, permezz tal-awtoritajiet tal-ajruport tagħhom, jindirizzaw dawn il-problemi billi jimplimentaw miżuri ta' implimentazzjoni biex jottimizzaw l-użu tal-kapaċità eżistenti permezz ta' ppjanar aħjar u permezz tal-użu ta' teknoloġiji moderni, kif previst fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sikurezza tal-ajruporti fl-Ewropa (“il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni”);

11.

Jistenna l-parir tal-Osservatorju Komunitarju l-ġdid dwar il-Kapaċità tal-Ajruporti rigward l-iżvilupp ta' miżuri għat-titjib tal-kapaċità tan-netwerk Ewropew tal-ajruporti, u jippretendi li l-osservatorju jkollu rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni;

12.

Jemmen li l-elikotteri jistgħu jikkostitwixxu meżżi importanti ta' konnessjoni għal distanzi qsar bejn l-ajruporti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkluduhom fl-istrateġiji għat-tkabbir tal-kapaċità;

13.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lil dawk lokali biex jinvestu fil-modernizzazzjoni u t-twaqqif ta' ajruporti żgħar u ta' daqs medju, li huma ta' importanza kbira għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali;

14.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fl-infrastruttura speċifika neċessarja meħtieġa għat-tħaddim u l-istazzjonar tal-inġenji tal-ajru fil-qasam tal-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali;

15.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lil dawk lokali, sabiex jinvolvu lill-partijiet kollha interessati fil-proċess ta' konsultazzjoni bil-għan li, meta jkun xieraq, l-ajruporti potenzjali jew eżistenti jiġu dedikati għal użu speċifiku mill-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali; fir-rigward tal-ajruporti militari dekommissjonati, il-konsultazzjoni għandha tinkludi lill-awtoritajiet militari;

16.

Jikkunsidra li huwa ta' importanza vitali li t-tqassim f'zoni tal-ispazju tal-ajru madwar l-ajruporti ta' daqs żgħir u medju jkun adegwat għall-utenti tal-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali, u li kwalunkwe tibdil f'dawn iz-zoni jkun ippreċedut minn konsultazzjoni ma' tali utenti;

17.

Jenfasizza li n-negozju tal-avjazzjoni għandu jingħata, kulfejn huwa possibbli, aċċess xieraq għall-ajruporti maġġuri sabiex jiġi permess li jgħaqqad ir-reġjuni maċ-ċentri ekonomiċi tagħha u jitlob lill-Kummissjoni teżamina u tipprepara rapport lill-Parlament sal-aħħar tal-2009 dwar jekk hemmx il-ħtieġa li jadatta xi dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament dwar l-Allokazzjoni ta' Slots eżistenti;

18.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat, fil-livell tal-UE, approċċ armonizzat biex tiġi ggarantita l-konsistenza bejn l-islots tal-ajruporti u l-pjanijiet tat-titjiriet u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri approprjiati f'dan ir-rigward u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-koordinaturi tal-ajruporti Ewropej f'din il-materja;

19.

Jistenna li l-introduzzjoni ta' sistema tal-Immaniġġjar tat-Traffiku tal-Ajru b'teknoloġiji state-of-the-art u innovattivi fi ħdan il-qafas tal-Impriża Konġunta SESAR tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew u kontra l-konġestjoni prevista tiegħu u żżid b'mod sinifikattiv il-kapaċità tal-ispazju tal-ajru, u dan ikun ta' benefiċċju għall-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru, inkluża l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali;

20.

Madankollu, jenfasizza li l-programm SESAR għandu jikkunsidra b'mod sħiħ il-partikolaritajiet tal-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali u għandu jipproduċi benefiċċji reali għas-settur mingħajr ma jgħabbih b'piżijiet żejda;

21.

Jemmen li wieħed mill-objettivi għandu jkun li l-utenti tar-Regoli Viżwali tat-Titjir (VFR) ikollhom aċċess għall-informazzjoni tat-traffiku, meteoroloġika u ajrunawtika b'mod faċli biex jintuża u effettiv f'sens ta' spejjeż;

22.

Jinsisti li l-leġiżlazzjoni dwar l-“Ajru Uniku Ewropew” u s-SESAR m'għandhomx iwasslu għal rekwiżiti teknoloġiji sproporzjonati u eċċessivament għoljin għall-inġenji tal-ajru żgħar imħaddma taħt il-VFR, filwaqt li jirrikonoxxi bis-sħiħ li l-ajruplani kollha li jagħmlu użu minn spazju tal-ajru kkontrollat għandu jkollhom tagħmir li jipprovdi livell ta' sigurtà adegwat, bħalma hu t-tagħmir tal-ippożizzjonar;

Is-sostenibilità ambjentali

23.

Jikkunsidra li l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali naqqset l-impatt ambjentali f'termini ta' emissjonijiet ta' CO2 u ħoss, meta mqabbel ma' dak tat-trasport kummerċjali bl-ajru;

24.

Jemmen li madankollu, hemm bżonn li jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta' titjib ulterjuri tal-prestazzjoni ambjentali tal-inġenji tal-ajru ta' daqs iżgħar billi jintużaw fjuwils aktar nodfa u bil-promozzjoni tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni; f'dan ir-rigward jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi bħalma huma l-inizjattiva “Sema Nadif” u CESAR;

25.

Jinnota li l-maġġoranza l-kbira tal-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva li tinkludi l-avjazzjoni fl-iskema ta' skambju ta' emissjonijietb' effett serra;

26.

Huwa tal-fehma li l-kwistjonijiet tal-istorbju għandhom jiġu indirizzati fil-livelli nazzjonali u lokali skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà u jikkunsidra li l-immappjar tal-ħsejjes jikkostitwixxi għodda fost bosta li jagħtu metodoloġija ekwilibrata biex jiġi żgurat żvilupp tal-ajruporti mingħajr ma jiġi kkawżat tniġġis sinifikattiv fil-ħsejjes għaċ-ċittadini lokali;

Kwistjonijiet oħrajn

27.

Jemmen li dawk li jfasslu l-politika għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dejta adegwata u informazzjoni statistika dwar l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali sabiex jifhmu kompletament is-settur u b'hekk ikunu kapaċi jirregolawh kif suppost; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-EUROSTAT jiżviluppaw u jimplimentaw approċċ sistematiku għall-ġbir u t-tqassim tad-dejta internazzjonali u Ewropea;

28.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-kjarifika tad-definizzjonijiet legali min-naħa tal-Kummissjoni, inkluża d-definizzjoni ta' sjieda frazzjonali u jfakkar li din il-kwistjoni hija indirizzata fir-Regolament EASA kif rivedut u fir-regoli ta' implimentazzjoni relatati, li qed jiġu ppreparati bħalissa;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-industrija tal-manifattura tal-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali tal-UE fis-swieq dinjin;

30.

Jikkunsidra bħala neċessarju li l-interessi tal-avjazzjoni ġenerali u kummerċjali jitqiesu fl-iżvilupp tal-politika esterna tal-avjazzjoni tal-UE, b'mod partikulari fir-rigward tat-titjiriet transatlantiċi;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-appoġġ għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni ajrunawtika, b'mod partikulari fir-rigward tal-SMEs li jiżviluppaw u jibnu inġenji tal-ajru għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali;

32.

Jikkunsidra bħala essenzjali l-promozzjoni tal-avjazzjoni rikreattiva u sportiva, kif ukoll l-aeroclubs, li jikkostitwixxu sors importanti ta' ħiliet professjonali għas-settur kollu tal-avjazzjoni;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-irwol importanti li dan is-settur tal-avjazzjoni għandu u jista' jibqa' jkollu fl-iżvilupp tat-taħriġ vokazzjonali għall-bdoti;

34.

Jitlob lill-Kummissjoni tagħti rapport lill-Parlament Ewropew sa tmiem l-2009 dwar il-progress li jkun sar f'dak li għandu x'jaqsam tal-kwistjonijiet identifikati f'din ir-riżoluzzjoni;

*

* *

35.

Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(4)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

(5)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(6)  ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1.

(7)  ĠU L 94, 4.4.2007, p. 3.

(8)  ĠU L 94, 4.4.2007, p. 18.

(9)  ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/10


L-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta' kwalità għolja fl-Ewropa

P6_TA(2009)0037

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar l-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta' kwalità għolja fl-Ewropa (2008/2139(INI))

(2010/C 67 E/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2007 bit-titolu “L-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta” kwalità għolja fl-Ewropa (COM(2007)0799) (il-“komunikazzjoni tal-Kummissjoni”),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, kuntratti tal-provvista pubblika u kuntratti tas-servizz pubbliku (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi għal entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u l-posta (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja dwar l-Appalti Pubbliċi u l-Konċessjonijiet lil sħubijiet Pubbliċi-Privati istituzzjonalizzati (PPPI) (3),

wara li kkunsidra r-regoli tal-kompetizzjoni kollha applikabbli dwar l-Għajnuna Statali u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2007 dwar inizjattiva tas-suq ewlieni għall-Ewropa (COM(2007)0860), u l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' netwerks għall-akkwist pubbliku bħala appoġġ għal din l-inizjattiva,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 bl-isem “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir – Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” (COM(2008)0394), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 għall-kodiċi Ewropew tal-aħjar prattika għall-iffaċilitar tal-aċċess mill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju għall-kuntratti ta' akkwist pubbliku (SEC(2008)2193),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2006 dwar “Nipprattikaw l-għarfien: Strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-Unjoni Ewropea” (COM(2006)0502) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Mejju 2007 (4),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2007 bl-isem “Gwida dwar soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku: 10 elementi ta' prattika tajba” (SEC(2007)0280),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Indipendenti ta' Esperti dwar ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni bl-isem “Creating an Innovative Europe” (5) (ir-rapport Aho),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-akkwist pubbliku prekummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta' kwalità għolja fl-Ewropa (6),

wara li ikkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0018/2009),

A.

billi l-Istrateġija ta' Liżbona titlob lill-Istati Membri biex iżidu l-investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp għal 3% tal-prodott gross domestiku, impenn ewlieni biex jitrawmu l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-għarfien,

B.

billi r-Rapport Aho identifika l-akkwist pubbliku bħala strument strateġiku biex tintlaħaq din il-mira,

C.

billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jgħinu biex jiżviluppaw l-għarfien espert meħtieġ biex isir l-aħjar użu mir-rakkomandazzjonijiet tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni,

D.

billi bħalissa m'hemm l-ebda strument disponibbli għall-Kummissjoni biex tippromwovi proġetti pilota dwar l-akkwist pubbliku prekummerċjali, u billi l-inizjattivi tinsab biss f'idejn l-Istati Membri,

1.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jappoġġja l-mudell propost tal-akkwist pubbliku prekummerċjali ta' qsim tar-riskji u tal-benefiċċji bħala wieħed mill-promoturi tal-innovazzjoni;

2.

Iħaddan ir-Rapport Aho u b'mod partikulari l-opinjoni li l-Istati Membri għandhom jużaw l-akkwist pubbliku biex imexxu t-talba għal beni innovattivi filwaqt li jtejbu l-kwalità u l-aċċessibilità tas-servizzi pubbliċi;

3.

Jinnota li, minkejja l-ħafna programmi ta' riċerka Ewropej, ir-riżultati tagħhom għadhom ma ġewx sfruttati mill-awtoritajiet pubbliċi permezz tal-akkwist pubbliku;

4.

Jinnota l-attenzjoni li diġà ngħatat lill-akkwist pubbiku prekummerċjali, b'mod partikulari fl-Istati Uniti tal-Amerika, fiċ-Ċina u fil-Ġappun, li qegħdin jisfruttaw il-potenzjal b'mod attiv permezz ta' sensiela ta' strumenti tal-politika pubblika, bħall-proġett Defense Acquisition Performance Assessment (DAPA) fl-Istati Uniti tal-Amerika;

5.

Iqis li l-akkwist prekummerċjali jikkostitwixxi forza favur it-tkabbir immexxi mill-innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea, forza li mhix sfruttata biżżejjed u li għandha potenzjal sinifikanti biex tikseb servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja u faċilment aċċessibbli, bħall-kura tas-saħħa u t-trasport, kif ukoll biex tindirizza l-isfidi soċjali tal-bidla fil-klima, tal-enerġija sostenibbli u tal-popolazzjoni li qed tixjieħ;

6.

Jiddispjaċih li ħafna awtoritajiet pubbliċi mhumiex konxji mill-potenzjal tal-akkwist prekuntrattwali u għadhom ma jaġixxux bħala “konsumaturi intelliġenti”;

7.

Iqis li l-benefiċċji ottimi ta' din l-inizjattiva se jitwettqu biss jekk l-awtoritajiet kontraenti jinkludu l-innovazzjoni bħala waħda mill-miri tal-programm ta' akkwist tagħhom;

8.

Jinnota li l-akkwist prekummerċjali jista' jitniehed fi ħdan il-qafas legali eżistenti tad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE, li jeżentaw is-servizzi tar-riċerka u tal-iżvilupp mill-kamp ta' applikazzjoni tagħhom (7) sakemm is-servizzi mogħtija ma jitħallsux bis-sħiħ mill-awtorità kontraenti u l-benefiċċji ma jakkumulawx esklussivament lilha;

9.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissorveljaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux limitati fl-akkwist prekummerċjali permezz ta' traspożizzjoni ineżistenti, mhux korretta, jew kumplessa b'mod mhux meħtieġ tal-eżenzjonijiet relevanti u permezz ta' rekwiżiti għall-għoti tal-offerti u mudelli tal-akkwist nazzjonali li jkunu elaborati b'mod mhux neċessarju;

10.

Minkejja l-approċċ distintiv meħud fl-akkwist prekummerċjali, jiġbed l-attenzjoni li għandhom japplikaw il-prinċipji tajba ta' akkwist, b'mod partikolari t-trasparenza u l-kompetittività, biex ikun żgurat li soluzzjonijiet integrati aħħarija jissodisfaw il-bżonnijiet tal-konsumaturi;

11.

Japprova l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi bażi konċettwali potenzjali għall-akkwist prekummerċjali u l-implimentazzjoni tiegħu, iżda jqis li hemm xi nuqqasijiet rigward il-mod kif il-proċedura proposta se titpoġġa fis-seħħ, speċjalment fuq livell lokali u reġjonali;

12.

Iqis li, f'dak li jirrigwarda l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għad m'hemmx biżżejjed informazzjoni dwar l-ostakli kontinwi li jżommuhom lura milli jimplimentaw akkwist prekummerċjali bil-għan li jkunu promossi soluzzjonijiet innovattivi ġenwini fl-interess pubbliku;

13.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti fl-awtoritajiet lokali, reġjonali u oħrajn imneħħija mill-amministrazzjoni ċentrali jiżviluppaw l-għarfien espert meħtieġ biex jimplimentaw akkwist innovattiv;

14.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali responsabbli mill-kuntratti b'linjigwida ta' taħriġ u strumenti li juru kif jista' jintuża l-akkwist fir-riċerka u l-iżvilupp prekummerċjali;

15.

Jilqa', għalhekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiffinanzja l-iskambju tal-prattiki tajbin u tat-taħriġ dwar l-akkwist prekummerċjali fil-programm ta' ħidma 2009 tas-Seba' Programm ta' Qafas;

16.

Ifaħħar id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq dwar 10 elementi ta' prattika tajba għal soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku u jilqa' l-attivitajiet usa' tal-Ewropa Pro Inno b'appoġġ għall-innovazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji gwidi simili dwar l-aħjar prattika għall-akkwist prekummerċjali;

17.

Iqis li l-akkwist prekummerċjali għandu potenzjal kbir ħafna bħala pass ulterjuri lejn it-tisħiħ tal-akkwist innovattiv, imma jirrikonoxxi l-bżonn li jkun hemm kompetenzi speċjalisti fl-akkwist u li l-Istati Membri, bi sħubija man-negozji, l-universitajiet u ċ-ċentri ta' taħriġ biex jisponsorjaw attivitajiet ta' taħriġ biex jiżviluppaw għodod ta' ġestjoni;

18.

Jistieden lid-Direttorati-Ġenerali kompetenti tal-Kummissjoni biex jikkoperaw flimkien ħalli jipproduċu ktieb fil-lingwi uffiċjali kollha, li jkun komprensiv, li jinftiehem malajr, imma li jkollu ċ-ċertezza ġuridika b'illustrazzjonijiet prattiċi tal-każijiet li juru kif dawn il-prinċipji legali jistgħu jiġu applikati b'mod korrett fil-prattika, b'mod partikolari għall-użu tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u awtoritajiet kontraenti;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tpoġġi fil-ktieb, b'mod partikolari, eżempji prattiċi tal-qsim tar-riskji u l-benefiċċji skont il-kundizzjonijiet tas-suq; jikkunsidra, barra minn hekk, li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu mogħtija lill-kumpaniji li jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku pre-kummerċjali, minħabba li l-Istati Uniti u l-Ġappun jaħdmu fuq il-bażi ta' dan il-mudell, li jinkoraġġixxi numru kbir ta' kumpaniji li jkunu involuti fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku pre-kummerċjali;

20.

Jinnota b'mod partikolari l-importanza li jiġi żviluppat il-qsim tar-riskji u tal-benefiċċji skont il-kundizzjonijiet tas-suq biex ikun hemm akkwist prekummerċjali b'suċċess u li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jingħataw lill-intrapriżi parteċipanti;

21.

Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex fil-politika dwar l-innovazzjoni jidentifikaw sfidi pubbliċi għaż-żmien medju u twil li jridu jiġu solvuti permezz ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi żviluppati permezz ta' akkwist prekummerċjali; hu tal-fehma li soluzzjonijiet ta' dan it-tip jistgħu jinkludu kompetizzjonijiet tat-tfassil u fondi tal-isfidi, bħad-Driverless Vehicle Challenge tal-Istati Uniti;

22.

Iqis li trasferimenti tal-għarfien bejn universitajiet teknoloġikament innovattivi, ċentri ta' riċerka u awtoritajiet responsabbli mill-kuntratti jiffurmaw parti integrali mill-akkwist prekummerċjali b'suċċess;

23.

Jiġbed l-attenzjoni li aġenziji tal-innovazzjoni bħal VINNOVA fl-Iżvezja, Tekes fil-Finlandja, Senternovem fl-Olanda u Innovation fin-Norveġja, għandhom sehem integrali fit-trasferiment ta' għarfien bejn klijenti prospettivi u riċerkaturi; permezz tat-trawwim tal-koperazzjoni bejn partijiet involuti fir-riċerka u l-iżvilupp, huma jinkoraġġixxu l-użu tal-akkwist prekummerċjali; għalhekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jeżaminaw l-operat ta' dawn l-aġenziji bħala bażi ta' referenza tal-attivitajiet tagħhom stess;

24.

Jinnota l-importanza tal-Pjattaformi tat-Teknoloġija tal-UE minħabba li jipprovdu qafas biex ikunu definiti l-prijoritajiet tar-riċerka u l-iżvilupp u biex l-innovazzjonijiet li huma lesti biex ikunu sfruttati jkunu marbuta mal-bżonnijiet ta' klijenti prospettivi; jinnota wkoll li l-Pjattaformi tat-Teknoloġija jistgħu jalinjaw l-iżvilupp bikri tas-suq ta' teknoloġiji ġodda mal-bżonnijiet tal-awtoritajiet pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni għalhekk biex tiżgura involviment aħjar tal-Pjattaformi tat-Teknoloġija fl-akkwist prekummerċjali;

25.

Jilqa' l-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni tal-Kummissjoni (LMI) bħala katalista qawwi għall-użu tal-akkwist prekummerċjali bħala appoġġ għall-innovazzjoni bl-għan li jiġu żviluppati swieq ewlenin ta' ċertu daqs, filwaqt li jinnota b'mod partikulari l-inizjattiva li jiġu stabbiliti netwerks tal-akkwist pubbliku biex tiġi appoġġjata l-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni;

26.

Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċess għall-akkwist pubbliku għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju tal-Unjoni Ewropea fil-Kodiċi Ewropej tal-Aħjar Prattiki tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar;

27.

Jilqa' l-kjarifika tal-Kummissjoni li l-akkwist prekummerċjali jista' jitwettaq mill-awtoritajiet kontraenti fl-istadji kollha tal-iżvilupp u tat-tnedija fis-suq ta' prodott jew servizz ġdid, u mhux biss għar-riċerka fundamentali; jinnota li dan l-approċċ komprensiv jinkoraġġixxi l-aċċess mill-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju għall-akkwist pubbliku;

28.

Ifaħħar il-proposta tal-Kummissjoni sabiex ikun ikkjarifikat l-irwol tal-awtoritajiet pubbliċi fit-trawwim tar-riċerka u l-iżvilupp u fl-istimulazzjoni tal-innovazzjoni permezz tal-attivitajiet ta' akkwist tagħhom; jenfasizza li l-politiki ta' akkwist tal-Istati Membri ma għandhomx ikunu preskrittivi żżejjed, minħabba li l-akkwist prekummerċjali b'mod prattiku jista' jkun organizzat b'modi differenti biex jissodisfa proġetti u bżonnijiet speċifiċi filwaqt li jibqgħu konformi mar-regoli tal-Komunità;

29.

Jikkunsidra li l-kunċett ta' akkwist pubbliku pre-kummerċjali huwa importanti, imma jibża' li mhux se jkollu suċċess biex jiġbed intrapriżi ta' daqs żgħir u medju sakemm dawn jifhmu b'mod ċar kif jaħdem l-akkwist pubbliku pre-kummerċjali, b'mod partikolari f'kuntest transkonfinali; jiġbed l-attenzjoni li l-prinċipju ewlieni tal-akkwist pubbliku pre-kummerċjali - jiġifieri li l-awtorità pubblika ma żżommx il-benefiċċji kollha li jiġu mir-Riċerka u l-Iżvilupp imma li kull kumpanija żżomm id-drittijiet ta' pussess fir-rigward tal-ideat ġodda li tiġġenera - jiżġura ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-ideat għan-negozji li jipparteċipaw;

30.

Jirrikonoxxi li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jistgħu jibbenefikaw mill-akkwist prekummerċjali permezz tal-qsim tar-riskji (peress li għandhom kapaċitajiet iktar limitati għall-investiment), it-tkabbir progressiv (fid-daqs u fl-esperjenza) f'kull stadju tal-proċess ta' riċerka u ta' żvilupp u permezz tal-proċess ta' sejħa għall-offerti eħfef meta mqabbla mal-akkwist pubbliku tradizzjonali;

31.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonsolida dawn l-istrateġiji f'politika waħda ta' akkwist pubbliku mmirata biex tinkoraġġixxi l-innovazzjoni permezz tal-akkwist pubbliku, tal-akkwist prekummerċjali, tal-iżvilupp tas-swieq ewlenin u tat-tkabbir tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju permezz tal-akkwist pubbliku;

32.

Iqis, bħala parti minn strateġija konsolidata li tippromwovi l-innovazzjoni permezz tal-akkwist prekummerċjali, li l-kampanji pubbliċi jipprovdu atmosfera mtejba għall-awtoritajiet kontraenti biex jinvestu iktar f'attivitajiet li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni bi dħul fuq l-investiment li jkun għal żmien itwal; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-opportunitajiet għan-netwerking bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u pubbliċi nazzjonali fir-rigward tal-akkwist prekummerċjali;

33.

Iqis li l-akkwist prekummerċjali jista' jaħdem bl-iktar mod effettiv jekk ikun hemm biżżejjed inċentivi għall-awtoritajiet pubbliċi biex jagħmlu impatt fuq is-swieq tar-riċerka u l-iżvilupp u għall-fornituri biex ikunu involuti fi proġetti tal-gvern; jinnota, għalhekk, li f'ċerti Stati Membri diġà jeżistu inċentivi finanzjarji importanti ħafna fl-użu tal-akkwist prekummerċjali, fejn proporzjon sostanzjali tal-ispejjeż tal-ewwel akkwist prekummerċjali jaqa' f'idejn awtorità ċentrali;

34.

Iqis li, fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-programmi tal-Komunità li jistimulaw l-innovazzjoni, għandhom jitqiesu inċentivi finanzjarji għall-awtoritajiet pubbliċi madwar l-Unjoni Ewropea biex iwettqu b'mod konġunt akkwist prekummerċjali tat-teknoloġija innovattiva fis-swieq ewlenin u f'oqsma oħra ta' interess komuni Ewropew;

35.

Jinnota li proġetti pilota Komunitarji ta' dan it-tip jistgħu jibbenefikaw minn reviżjoni awtomatika mill-Kummissjoni u minn pubblikazzjoni usa' ta' esperjenzi prattiċi u minn klawsoli kuntrattwali li jippermettu lix-xerrejja li jirreferu għal preċedenti solidi li jistgħu jintużaw ukoll fi gwida tal-aħjar prattiki;

36.

Jidentifka l-bżonn għal proġett pilota Ewropew fil-kuntest tal-akkwist pubbliku pre-kummerċjali, biex juri bl-eżempju approċċ ta' implimentazzjoni li jiżgura ċ-ċertezza legali u l-akbar protezzjoni għan-negozji, b'mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju li, b'definizzjoni, huma l-partijiet l-aktar dgħajfa meta mqabbla mal-awtoritajiet kontraenti u l-impriżi l-kbar li ġeneralment ikunu involuti fl-akkwist pubbliku;

37.

Jinnota li t-tisħiħ tal-akkwist prekummerċjali jibqa' wieħed mill-ħafna modi għall-Istati Membri biex jagħtu spinta lill-innovazzjoni u lir-riċerka; jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri biex jippromwovu l-innovazzjoni billi jinvolvu lill-parteċipanti kollha, inklużi universitajiet, istituti ta' riċerka u korpi oħra mdaħħla fil-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jiġu involuti aktar mal-intrapriżi innovattivi; iqis li dan l-impenn għandu jiġi inkluż fi strateġija konsistenti għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;

38.

Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li, bil-għan li titħeġġeġ il-kompetizzjoni, għandhom jiġu promossi l-użu tas-sistemi elettroniċi tal-akkwist pubbliku u l-proċedura dinamika sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-akkwist pre-kummerċjali;

39.

Jagħti l-istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(2)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU C 91, 12.4.2008, p. 4.

(4)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 455.

(5)  http://ec.europa.eu/invest-in-research/action/2006_ahogroup_en.htm

(6)  ĠU C 325, 19.12.2008, p. 44.

(7)  Artikolu 16(f) tad-Direttiva 2004/18/KE u Artikolu 24(e) tad-Direttiva 2004/17/KE.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/16


It-tieni analiżi strateġika tal-politika dwar l-Enerġija

P6_TA(2009)0038

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar it-tieni analiżi strateġika tal-politika dwar l-Enerġija (2008/2239(INI))

(2010/C 67 E/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija – Pjan ta' azzjoni tal-UE għas-sigurtà u s-solidarjetà tal-enerġija” (COM(2008)0781) (“il-Komunikazzjoni dwar it-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija”),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “Lejn network Ewropew ta' enerġija sikura, sostenibbli u kompetittiva” (COM(2008)0782),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 dwar l-implimentazzjoni tal-programm relatat man-networks trans-Ewropej tal-enerġija matul il-perjodu 2002-2006 (COM(2008)0770),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 dwar id-Direttiva 2004/67/KE tal-Kunsill tas-26 ta' April 2004 li għandha x'taqsam mal-miżuri biex tissalvagwardja s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali (COM(2008)0769),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 għal Direttiva tal-Kunsill li tobbliga lill-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta' ħażniet taż-żejt mhux raffinat u/jew ta' prodotti taż-żejt (COM(2008)0775),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “L-effiċjenza fl-enerġija: il-kisba tal-mira ta' 20%” (COM(2008)0772),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni ta-13 ta' Novembru 2008 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (tfassil mill-ġdid) (COM(2008)0780),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni permezz ta' ttikkettar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (tfassil mill-ġdid) (COM(2008)0778),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tikkettar tat-tajers fir-rigward tal-effiċjenza tal-użu tal-fjuwil u parametri essenzjali oħra (COM(2008)0779),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurta' nukleari (COM(2008)0790),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “L-Ewropa tista' tiffranka aktar enerġija permezz tal-ġenerazzjoni kkombinata tas-sħana u tal-elettriku” (COM(2008)0771),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “Enerġija mir-Riħ Lil hinn mix-Xtut: Azzjoni meħtieġa biex twassal għall-Għanijiet tal-Politika dwar l-Enerġija għall-2020 u aktar 'il quddiem” (COM(2008)0768),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titlu “Aġġornament tal-Programm Nukleari Illustrattiv fil-kuntest tat-tieni Analiżi Strateġika tal-Enerġija” (COM(2008)0776),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2007 bit-titlu 'Il-Limitazzjoni tal-Bidla Klimatika Globali għal 2 gradi Celsius: It-triq “il quddiem għall-2020 u wara” (COM(2007)0002),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008 bit-titlu “20 għal darbtejn sal-2020: L-opportunità dwar it-tibdil fil-klima għall-Ewropa” (COM(2008)0030),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (COM(2008)0019),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 bit-titlu “Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku” (COM(2008)0800),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2006 dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill fid-dawl tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi orjentazzjonijiet relatati man-networks trans-Ewropej tal-enerġija u li tirrevoka d-Deċiżjoni 96/391/KE u d-Deċiżjoni 1229/2003/KE (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2007 dwar l-Evalwazzjoni tal-Euratom: 50 sena ta' politika ta' enerġija nukleari Ewropea (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2007 dwar l-Istrateġija għal enerġija rinnovabbli fl-Ewropa (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar Lejn politika barranija Ewropea komuni fis-settur tal-enerġija (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar is-Sorsi ta' enerġija konvenzjonali u t-teknoloġiji tal-enerġija (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2008 dwar il-Pjan ta' azzjoni għall-effiċjenza fl-enerġija: it-twettiq tal-potenzjal (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2008 dwar il-Fond Globali għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar il-Pjan Strateġiku Ewropew għat-teknoloġija tal-enerġija (8),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/54/KE dwar regoli komuni għas-suq intern fl-elettriku (9),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/55/KE dwar regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (10),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-network għall-iskambji transkonfinali tal-elettriku (11),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1775/2005 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-networks tat-trasport tal-gassijiet naturali (12),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-appoġġ għal turija minn kmieni tal-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija mill-fjuwils fossili (14),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta' Marzu 2008,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6-0013/2009),

A.

billi kull politika Ewopea dwar l-enerġija trid timxi fuq tliet għanijiet prinċipali u tal-istess importanza b'mod integru, jiġifieri s-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, li tinkludi impenn qawwi għall-miri tal-UE stess u l-implimentazzjoni tagħhom, u l-kompetittività,

B.

billi tinħtieġ bidla sħiħa fil-mudell tal-politika dwar l-enerġija biex jinkisbu t-tliet għanijiet ewlenin, u li fl-istess ħin twassal għal soluzzjoni li tieħu kont tal-kwisjonijiet soċjali, ambjentali, ekonomiċi, u dawk relatati mal-impjieg,

C.

billi d-dipendenza tal-UE minn sorsi tal-enerġija konvenzjonali u minn għadd limitat ta' produtturi tal-enerġija tippreżenta riskju serju għall-istabilità, il-prosperità u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija,

D.

billi ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija għandu jkollha sehem ewlieni fit-tnaqqis tad-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija, fiż-żieda tal-kompetittività u fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima,

E.

billi llum id-domanda tal-UE għall-enerġija għadha qiegħda tiżdied fil-parti l-kbira tas-setturi, u minħabba f'hekk il-potenzjal tal-effiċjenza tal-enerġija fil-biċċa l-kbira għad mhux qiegħed jiġi sfruttat,

F.

billi llum l-UE timporta 50% tal-enerġija li tikkonsma u dan il-proporzjon jista' jilħaq is-70% sal-2030,

G.

billi r-riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-UE jikbru minħabba n-nuqqas ta' viżjoni għal ekonomija bbażata fuq il-moderazzjoni fil-politika dwar l-enerġija u l-livell baxx tal-investiment, b'mod partikulari fil-livelli lokali u reġjonali li qegħdin iwasslu biex, fis-setturi kollha tal-enerġija u f'dawk marbutin magħha, il-kapaċitajiet jiġġebbdu sal-limiti tagħhom, jew ma jkunux biżżejjed, u għalhekk il-faċilitajiet li jiġġeneraw l-elettriku jeħtieġ li jiġu rinnovati minn issa sal-2030 b'investiment li hu stmat li jiswa EUR 900 biljun,

H.

billi n-nuqqas fil-livell tal-prezzijiet taż-żejt u tal-gass għandu effett negattiv fuq l-investimenti ppjanati, u b'hekk jinħtieġ l-appoġġ għall-proġetti ewlenin kollha tal-infrastruttura li jikkontribwixxu għall-importazzjoni ta' ammonti sinifikanti ta' gass fl-Ewropa, filwaqt li jkunu diversifikati s-sorsi, ir-rotot u jkunu evitati r-riskji ta' tranżitu,

I.

billi l-kriżi ekonomika preżenti qiegħda tkompli tostakola l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija,

J.

billi minkejja li x-xenarju tal-Kummissjoni jipprevedi n-nuqqas fid-domanda ta' sorsi konvenzjonali fl-għoxrin sena li ġejjin, l-Ewropa jeħtiġilha tappoġġja l-investimenti ppjanati kollha fl-infrastruttura ġdida għall-importazzjoni tal-enerġija; dan għandu jiggarantixxi tranżizzjoni sikura għas-sistema ta' enerġija Ewropea ġdida li mistennija tkun qiegħda taħdem sal-2020,

K.

billi mill-2030, sabiex jitnaqqas ir-riskju ewlieni tal-iskarsezza tal-enerġija mill-fjuwils fossili, l-UE se jkollha tkun żviluppat u pprogrammat teknoloġiji ġodda tal-enerġija li jkunu kompetittivi, sostenibbli u b'livell ta' CO2 baxx, filwaqt li tkun naqqset b'mod sinifikanti l-konsum tagħha tal-enerġija,

L.

billi l-UE għandha bżonn urġenti li tiżviluppa investimenti f'networks ewlenin u li tiffinalizza s-suq intern tal-enerġija, u billi inizjattivi għall-futur, bħall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni Ewropea u l-istabbiliment ta' network Ewropew uniku tal-gass, għandhom ikunu inkoraġġuti,

M.

billi s-settur tal-enerġija u l-investimenti fl-infrastruttura tal-enerġija għandhom bżonn qafas regolatorju stabbli u koperazzjoni iktar mill-qrib bejn ir-regolaturi nazzjonali,

N.

billi l-iżvilupp tan-networks tal-enerġija huwa essenzjali għat-titjib tas-sigurtà tal-provvista, li għandha tkun minn ta' quddiem fost il-prijoritajiet tal-politika tal-enerġija Ewropea,

O.

billi s-setturi tal-elettriku u l-gass jeħtiġilhom qafas regolatorju li jkun stabbli u prevedibbli, u jkun meħtieġ li l-Aġenzija għall-Koperazzjoni bejn ir-Regolaturi tal-Enerġija (“l-Aġenzija”) jingħatawlha setgħat qawwija biex tkun tista' tagħti l-kontribut tagħha għall-armonizzazzjoni tal-oqfsa regolatorji nazzjonali u biex tiġi evitata l-inċertezza li tista' toħroġ mill-proċeduri tal-komitoloġija,

P.

billi biex ikun hemm kontribut għas-sigurtà tal-għanijiet tal-provvista, ir-riżorsi indiġeni tal-enerġija konvenzjonali tal-UE għandhom jiġu sfruttati fi Stati Membri fejn ikunu disponibbli f'konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali nazzjonali u Komunitarja,

1.

Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw din l-Analiżi Strateġika tal-Enerġija bħala l-bażi għall-implimentazzjoni ta' politika tal-enerġija għall-Ewropa u li tistabbilixxi pjan ta' azzjoni ambizzjuż għal bejn l-2010 u l-2012;

2.

Jerġa' jikkonferma l-għan tripplu stabbilit għall-2020 ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'20%, u bi 30% fil-każ ta' ftehim internazzjonali, ta' tnaqqis fil-konsum tal-enerġija b'mill-inqas 20% u l-kisba ta' mill-inqas 20% ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum aħħari tal-enerġija; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex isiru l-ekonomija bl-ikbar effiċjenza fl-enerġija sabiex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-kisba tal-għan tal-klima ta' 2°C; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra b'mill-anqas 80% sal-2050; jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji xenarji possibbli ta' enerġija, b'konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati, li juru l-modi li bihom dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu u li jistabbilixxu l-ipoteżijiet tekniċi u ekonomiċi li jkunu msejsa fuqhom;

3.

Jemmen bis-sħiħ li t-tnaqqis tal-konsum tal- enerġija huwa l-prijorità assoluta bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta' żvilupp sostenibbli, innovazzjoni, ħolqien ta' impjiegi u kompetittività u huwa wkoll mod effettiv ħafna u mhux għoli biex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-objettiv ta' frankar enerġetiku ta' 20% sal-2020 jorbot legalment fuq l-Istati Membri u sabiex jipproponu u jimplimentaw miżuri konsistenti biex jiżguraw li dan jintlaħaq;

5.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jadottaw bħala għanijiet it-titjib ta' 35% fl-effiċjenza tal-enerġija u s-sehem ta' 60% ta' enerġija rinnovabbli sal-2050;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-investimenti ppjanati kollha fl-infrastruttura ġdida ta' importazzjoni ta' enerġija u t-teknoloġiji ta' enerġija rinnovabbli sabiex tilqa' għat-tnaqqis fil-livell tal-prezzijiet taż-żejt u tal-gass li għandu effett negattiv fuq l-investimenti ppjanati;

Politika Ewropea dwar l-Enerġija

7.

Jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tar-riskji dejjem jiżdiedu li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea f'termini ta' sigurtà tal-enerġija, biex jesprimu ruħhom b'vuċi waħda; jinnota li l-prattiki attwali tagħhom xejn m'huma adattati għal din l-aspirazzjoni; jikkunsidra li hu indispensabbli, fl-interess tas-sigurtà tal-provvista, is-solidarjetà u l-effiċjenza tan-negozjati u bil-ħsieb li jiġi stabbilit qafas regolatorju internazzjonali, li l-Kummissjoni tipproponi lill-Parlament u lill-Kunsill it-tħejjija ta' politika Ewropea tal-enerġija li tosserva b'mod xieraq il-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri: ir-relazzjonijiet internazzjonali, l-effiċjenza tal-enerġija, il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, it-tkomplija tal-iżvilupp tas-suq intern, in-negozjar tat-trattati internazzjonali, il-prospettivi u d-djalogu mal-produtturi u l-pajjiżi ta' tranżitu, ir-riċerka fis-settur tal-enerġija u d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' vuċi unika Ewropea li tindirizza lill-produtturi ta' pajjiżi terzi permezz tal-iżvilupp ta' interdipendenza li tkun ta' benefiċċju reċiproku u biex tappoġġja t-tisħiħ tal-kapaċità ta' kummerċ tal-kumpaniji tal-UE iktar milli dak ta' kumpaniji tal-istat ta' pajjiżi terzi;

9.

Jikkunsidra li s-solidarjetà dwar l-enerġija għandha ssir preokkupazzjoni Ewropea kbira fil-livell Ewropew, reġjonali u bilaterali, u jikkunsidra li l-ħsara li ssir għall-provvista tal-enerġija fi Stat Membru tagħmel ħsara lill-UE kollha kemm hi;

10.

Jisħaq fuq l-importanza ta' inizjattivi lokali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; japprova miżuri li jippromwovu l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli, bħall-programmi ta' finanzjament li jagħmlu sehem mill-politika ta' koeżjoni jew it-tassazzjoni ħadra, jew il-kontribut tal-“Patt tas-Sindki”, u jappoġġja f'dan ir-rigward l-idea ta' “Patt tal-Gżejjer” għat-tixrid tal-aħjar prattiki u l-iżvilupp ta' komunitajiet u bliet li jużaw enerġija effiċjenti ħafna u rinnovabbli;

11.

Jemmen li politika tal-enerġija Ewropea xierqa għandha tkun fondata fuq taħlita ta' enerġija bbilanċjata bbażata fuq l-użu ta' enerġija bla karbonju u l-fjuwils fossili bl-aktar emissjonijiet baxxi u fuq teknoloġiji ġodda li jnaqqsu b'mod drastiku l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra minn fjuwils fossili solidi;

12.

Jemmen li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw strateġiji nazzjonali biex jittrattaw il-kwestjoni tal-faqar enerġetiku fit-territorju tagħhom;

13.

Jikkunsidra li t-taqsim tax-xogħol bejn l-intrapriżi u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi, fejn l-intrapriżi jieħdu responsabbiltà għas-sigurtà tal-provvista, għandu siwi bil-provi u għalhekk fil-prinċipju għandu jinżamm; jistieden lil dawk li jieħdu deċiżjonijiet politiċi, minħabba li kulma jmur l-ambjent globali qiegħed isir aktar diffiċli, biex fil-futur jadottaw iktar miżuri li jakkumpanjaw operazzjonijiet tal-kummerċ;

14.

Ifakkar fl-impenji li ntrabtu bihom l-Istati Membri meta ffirmaw it-Trattat ta' Liżbona għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u għall-ipprattikar tas-solidarjetà fi żminijiet ta' kriżi tal-enerġija;

15.

Jikkunsidra li r-ratifika tat-Trattat ta' Liżbona se tkompli ssaħħaħ l-isforzi kollha biex tiġi stabbilita politika komuni Ewropea dwar l-enerġija;

Sigurtà tal-provvista

16.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan ta' azzjoni għas-sigurtà tal-enerġija u s-solidarjetà tal-UE;

Promozzjoni ta' infrastrutturi meħtieġa biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-UE

17.

Jinnota dewmien kbir fit-twettiq tan-networks prijoritarji u ta' interess Ewropew tat-trasport u tal-enerġija; jenfasizza li din id-dgħjufija fl-investiment tnaqqas il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u tagħmel mod li fis-setturi kollha tal-enerġija, il-kapaċitajiet ikunu mġebbda sal-limiti tagħhom jew ma jkunux biżżejjed; jinnota wkoll li l-industrija ma taħtix għal kollox għal dan u jitlob biex l-Istati Membri jinvolvu aktar liċ-ċittadini tagħhom, b'mod partikolari billi jgħarrfuhom dwar il-ħtiġijiet ta' infrastruttura ġdida u proġetti ta' ġenerazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jagħmlu dak kollu li jistgħu fl-oqsma tagħhom tat-teħid ta' deċiżjonijiet biex iħaffu l-investiment;

18.

Jinnota li l-mewġa l-ġdida ta' investiment għandha tkun waħda li tħares 'il quddiem sabiex tqis il-bidliet li qed iseħħu ta' kif qed tiġi kkunsmata u prodotta l-enerġija u li s-sistemi deċentralizzati tal-enerġija għandhom ikunu akkumpanjati minn riżorsi kbar ta' enerġija li tiġġedded;

19.

Jinnota li l-Kunsill Ewropew stabbilixxa mira ta' 10% għall-kisba ta' kapaċità ta' interkonnessjoni tal-gass u tal-elettriku bejn l-Istati Membri;

20.

Jilqa' b'mod pożittiv l-idea li jiżdiedu l-finanzjamenti Ewropej sabiex jinkoraġġixxu l-investimenti fin-networks; jinnota b'interess il-proposta tal-Kummissjoni biex talloka - skont il-qafas tal-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku tal-2008 - EUR 5 biljun ta' baġits tal-2008/2009 li ma ntefqux, b'mod partikolari rigward il-konnessjonijiet ġodda tal-enerġija; jitlob li ijkun involut bis-sħiħ fil-proċess ta' deċiżjoni dwar il-lista finali tal-proġetti; jikkunsidra li l-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jkollu sehem iktar prominenti fl-għoti ta' fondi għall-effiċjenza tal-enerġija, għall-enerġiji rinnovabbli u għal proġetti R&D;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu b'mod attiv biex iżidu l-għadd ta' operaturi fis-suq tal-enerġija u b'mod partikolari biex jadottaw miżuri biex jippromwovu l-produzzjoni tal-enerġija minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u d-dħul tagħhom fis-suq;

22.

Jisħaq fuq l-importanza tal-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet tal-elettriku u l-gass fl-Ewropa ċentrali u tax-Xlokk, fuq l-assi mit-tramuntana għan-nofsinhar, filwaqt li jfakkar li n-networks fir-reġjun tal-Baħar Baltiku għandhom ikunu żviluppati u integrati fin-network tal-Ewropa tal-Punent; jisħaq fuq il-bżonn ta' attenzjoni speċjali għall-iżvilupp ta' Pjan ta' Interkonnessjoni għall-Baltiku li jkopri l-gass, l-elettriku u l-ħażna fl-2009; jappoġġja wkoll il-bini ta' interkonnessjonijiet mal-gżejjer, ma' żoni mbiegħda u oħrajn iżolati fl-Unjoni Ewropea;

23.

Iħeġġeġ, għall-istess raġunijiet, l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet mal-Ewropa tal-Lbiċ, b'mod speċjali mill-Peniżola Iberika għat-tramuntana ta' Franza;

24.

Ifakkar li konnessjonijiet transkonfinali diġà jeżistu bejn diversi pajjiżi; josserva li inizjattivi reġjonali bħall-Forum Pentalaterali ħolqu soluzzjonijiet prattiċi li jistgħu jintużaw u li jkabbru l-integrazzjoni tas-suq intern; jinkoraġġixxi lil dawk responsabbli għal dawn l-inizjattivi biex ikomplu bix-xogħol ta' fejda tagħhom;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri adegwati sabiex tinkoraġġixxi l-interkonnessjoni u l-iżvilupp tan-networks tal-elettriku biex tippermetti l-integrazzjoni ottimizzata u l-ibbilanċjar tal-produzzjoni varjabbli ta' enerġija rinnovabbli fuq l-art u 'l barra minnha;

26.

Jilqa' l-proposta biex jitressaq pjan għal network barra mix-xtut fil-Baħar tat-Tramuntana sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal enormi tal-enerġija tar-riħ tiegħu; jilqa' f'dan ir-rigward ukoll il-ħolqien ta' network Ewropew kbir ta' distribuzzjoni billi jgħaqqad l-infrastrutturi tan-network tal-Baħar tat-Tramuntana, tal-Mediterran u tar-reġjuni Baltiċi;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm regolamentazzjoni xierqa u biex jippermettu l-aċċess mhux diskriminatorju għall-infrastruttura l-ġdida, pereżempju, għan-network li jinsab 'il barra mix-xtut fil-Baħar tat-Tramuntana;

28.

Jemmen li l-UE għandha b'mod sostanzjali u kemm jista' jkun malajr tissokta żżid id-diversifikazzjoni u s-sigurtà fil-għejun enerġetiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Presidenza Ċeka jippreżentaw pjan ġdid ta' diversifikazzjoni ambizzjuż u li jipprevedi l-ħtiġijiet tal-futur għall-Kunsill Ewropew li ġej;

29.

Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal proġetti għad-diversifikazzjoni tas-sorsi u r-rotot tal-provvista, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' kuritur tal-gass fin-nofsinhar li jinkludi n-Nabucco, l-Interkonnettur tal-Gass bejn it-Turkija, il-Greċja u l-Italja (TGI), u l-proġetti tal-Flussi tan-Nofsinhar (South Stream); jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir ħidma mal-pajjiżi kkonċernati, b'mod partikolari fir-reġjun tal-Baħar Kaspju; jikkunsidra ta' importanza kbira li għal żmien fit-tul, meta l-kundizzjonijiet politiċi jippermettu dan, provvisti minn pajjiżi oħra fir-reġjun, bħall-Użbekistan u l-Iran, għandhom jirrappreżentaw sors sinifikanti ieħor ta' provvista għall-Unjoni Ewropea;

30.

Jesprimi wkoll l-appoġġ tiegħu għall-interkonnessjoni sħiħa tal-Algerija, Spanja, Franza u l-kontinent Ewropew bil-proġett MEDGAZ li l-Kummissjoni tqis bħala proġett ta' interess Ewropew fil-Pjan Prijoritarju ta' Interkonnessjoni sabiex jiġu diversifikati aktar ir-rotot ta' dħul tal-gass fl-Ewropa;

31.

Huwa favur, minħabba n-nuqqas fil-produzzjoni tal-gass naturali domestiku u l-bidla fit-taħlita tal-enerġija f'ħafna Stati Membri, li l-proġetti kollha kurrenti ta' infrastruttura tal-gass naturali u l-elettriku jiġu implimentati bil-ħeffa sabiex jiġi żgurat li d-domanda xorta tkun tista' tintlaħaq fil-futur;

32.

Jikkunsidra li r-relazzjonijiet u s-sħubijiet mal-fornituri ewlenin tal-enerġija, mal-pajjiżi ta' tranżitu u l-pajjiżi li jikkonsmaw huma importanti u għandhom jiġu approfonditi; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, li l-approfondiment ta' dawk ir-relazzjonijiet u s-sħubijiet m'għandhom fl-ebda ċirkostanza jsiru għad-detriment tal-valuri li huma s-sisien tal-UE rigward, b'mod partikolari, l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-iżvilupp tal-fiduċja u rabtiet iktar fondi u li jorbtu legalment bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi produtturi u ta' tranżitu għandhom jimxu id f'id mal-promozzjoni u l-osservanza tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt; jitlob sabiex jiġu żviluppati u adottati politiki u miżuri konkreti għal dawn l-għanijiet;

33.

F'dan ir-rigward jitlob biex issir ftehima trilaterali bejn l-UE, ir-Russja u l-Ukraina dwar it-tranżitu tal-gass mir-Russia għall-UE sabiex tkun garantita s-sigurtà tal-provvista fis-snin li ġejjin;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-isforzi tagħha ħalli tinstab soluzzjoni għal għadd ta' kwistjonijiet miħtuħa li għadhom mhux solvuti dwar il-kundizzjonijiet għat-tranżitu tal-gass naturali mit-Turkija permezz tal-pipeline tal-gass tan-Nabucco;

35.

Jikkunsidra li kapaċità suffiċjenti ta' gass naturali likwifikat (LNG) li tikkonsisti f'faċilitajiet ta' likwifikazzjoni fil-pajjiżi ta' produzzjoni u t-terminals tal-LNG u l-gassifikazzjoni mill-ġdid fuq il-vapuri fl-UE għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri kollha, jew direttament jew permezz ta' Stati Membri oħra fuq il-bażi tal-mekkaniżmu ta' solidarjetà; jikkunsidra li t-terminals il-ġodda tal-LNG għandhom ikunu kkunsidrati bħala proġetti ta' interess Ewropew minħabba l-kontribuzzjoni ewlenija tagħhom għad-diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti l-appoġġ totali tagħha għall-investimenti fil-kostruzzjoni ta' faċilitajiet strateġiċi ta' ħażna tal-gass, bħala element importanti tas-sigurtà tal-enerġija Ewropea;

37.

Jemmen li l-kapaċità tar-raffinar taż-żejt tirrappreżenta fattur importanti addizzjonali fil-garanzija tas-sigurtà tal-enerġija tal-UE; jinnota li għalhekk huwa importanti li jittejjeb il-livell ta' trasparenza tal-bilanċ bejn id-domanda u l-provvista għall-kapaċità ta' raffinar neċessarja sabiex taqdi l-bżonnijiet tal-UE, b'mod partikolari minħabba t-tħassib rigward il-potenzjal disponibbli tad-diżil fil-futur;

38.

Ifittex, skont il-prinċipju tas-solidarjetà Ewropea fl-enerġija, li jiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista u tal-enerġija għar-reġjun tal-Baltiku fil-kundizzjonijiet ta' reċessjoni ekonomika;

Is-suq intern tal-enerġija

39.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu linji ta' gwida strateġiċi maħsuba biex ikunu applikati għal żmien twil, filwaqt li jinkoraġġixxu l-impriżi industrijali privati biex jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tagħhom, f'bilanċ bejn il-mekkaniżmi tas-suq u r-regolamentazzjoni;

40.

Jisħaq fuq l-importanza tal-ħolqien ta' qafas legali ċar u stabbli billi, qabel it-tmiem tal-leġiżlatura Parlamentar fl-2009i, jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar il-pakkett leġiżlattiv dwar is-suq intern tal-enerġija; jappoġġja t-twaqqif ta' Aġenzija indipendenti, kif previst fil-proposta tal-Kummissjoni msemmija aktar 'il fuq, għal regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija, b'setgħat qawwija u indipendenti, li jinkludu setgħat marbuta mas-sigurtà tal-provvista u n-networks; jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-implimentazzjoni tat-tielet pakkett tal-enerġija, b'mod partikolari biex jibdew jikkoperaw bejniethom sabiex jippromwovu s-solidarjetà reġjonali u bilaterali għall-iskop tas-salvagwardja tal-provvisti sikuri fis-suq intern;

41.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw investimenti ta' networks ewlenin u biex jiffinalizzaw is-suq intern tal-enerġija permezz ta' xi inizjattivi li jħarsu 'l quddiem, bħall-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni Ewropea u l-istabbiliment tan-network uniku tal-gass Ewropew;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq 'il quddiem għal-2020 l-għan li jiġi żviluppat u li jitlesta network tal-elettriku interkonness “smart” bħala ingredjent importanti biex jintlaħqu l-miri tal-2020;

43.

Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoperaw flimkien għat-tfassil ta' pjan strateġiku Ewropew sabiex l-investimenti meħtieġa jiġu pprogrammati b'mod pluriennali, biex jissodisfaw il-ħtiġijiet futuri tal-produzzjoni tal-elettriku, abbażi ta' studji tal-perspettivi tal-bżonnijiet tal-enerġija fuq medda ta' żmien medju; jemmen li pjan indikattiv pluriennali għandu jkun magħmul ukoll fis-settur tal-gass sabiex jipprovdi perspettiva ġenerali ta' rekwiżiti ta' investiment fil-livell Ewropew;

44.

Jistieden lill-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti biex jikkonsultaw u jikkoordinaw pjanijiet futuri għal investimenti ta' infrastruttura transkonfinali (pereżempju, networks, pajpijiet, impjanti tal-enerġija) mal-partijiet rilevanti fil-pajjiżi kollha li jistgħu jkunu affettwati minn investimenti ppjanati biex jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli; jikkunsidra li l-istabbiliment ta' Grupp ta' Koordinazzjoni tal-Infrastruttura fil-livell Ewropew jgħin dan l-isforz ta' koordinazzjoni u jista' jissupplimenta l-iżvilupp ta' pjan ta' żvilupp ta' 10 snin għal network, kif propost fil-pakkett tas-suq intern tal-enerġija;

45.

Jenfasizza li l-finalizzazzjoni tas-suq intern tal-enerġija se tirnexxi biss jekk jitneħħew l-ostakli għall-investiment u jinbnew il-konnessjonijiet fiżiċi li jorbtu lill-Istati Membri ma' network tal-enerġija wieħed komuni, u jekk is-suq fl-aħħar mill-aħħar jagħmilha possibbli li tiġi evitata l-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija u biex jiġi żgurat suq ġust għall-ġeneraturi kollha u l-konnessjoni tan-networks, l-aċċess u l-integrazzjoni tal-produtturi u t-teknoloġiji l-ġodda tal-enerġija; jenfasizza li d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li ġiet riveduta dan l-aħħar u li tistabbilixxi skema għall-iskambju tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fi ħdan il-Komunità (15) tipprovdi, b'mod komprensiv u prevedibbli, evalwazzjoni tas-CO2;

Ir-relazzjonijiet esterni tal-enerġija

46.

Jilqa' l-Komunikazzjoni dwar it-tieni Analiżi Strateġika tal-Enerġija, u b'mod partikolari l-proposti tagħha rigward il-politika dwar l-enerġija esterna, li b'mod ġenerali jikkonformaw mar-Riżoluzzjoni tas-26 ta' Settembru 2007 msemmija aktar 'il fuq; jesprimi d-diżappunt tiegħu għan-nuqqas ta' proposti dettaljati u jenfasizza għal darb'oħra l-bżonn għal intensifikazzjoni ulterjuri tal-isforzi tal-UE biex tiġi żviluppata politika barranija Ewropea komuni koerenti u effikaċi għall-enerġija, b'fokus imġedded għall-pajjiżi li jipproduċu l-enerġija;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-inklużjoni tal-hekk-imsejħa “klawżola ta' sigurtà enerġetika” fil-kummerċ, l-assoċjazzjoni, u s-sħubija kif ukoll fil-ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi produtturi u ta' tranżitu, li toħloq kodiċi ta' kondotta u projbizzjoni ta' tħarbit minħabba tilwim kummerċjali, u li jittieħdu miżuri espliċitament ta' delineament f'każ ta' tħarbit unilaterali, jew ta' xi bidla fil-pattijiet tal-kuntratt jew fil-pattijiet tal-provvista ta' xi ħadd mis-sħab;

48.

Ifakkar li l-UE, anke bl-għajnuna ta' pjanijiet ambizzjużi u implimentati b'mod rigoruż għall-effiċjenza u l-ekonomija fl-enerġija, x'aktarx li dejjem se tkun tiddependi għal tul ta' żmien medju minn pajjiżi terzi għall-provvista ta' fjuwils fossili; jitlob għalhekk li d-djalogu mal-pajjiżi produtturi, ta' tranżitu u pajjiżi oħra konsumaturi jissaħħaħ, u b'mod aktar ġenerali, li titjieb il-koperazzjoni fil-livell internazzjonali biex tiżdied it-trasparenza fis-swieq dinjija tal-enerġija u tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-iżvilupp sostenibbli;

49.

Jinnota l-importanza ta' kuntratti ta' provvista għal żmien twil għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet fit-tul ibbażati fuq il-fiduċja bejn stati li jagħmlu l-estrazzjonijiet u l-pajjiżi li jixtru u biex jiġi garantit l-investiment neċessarju fis-setturi tal-fażijiet kollha tal-produzzjoni;

50.

Jistieden lill-UE biex tikkopera mal-pajjiżi tar-reġjun tal-Mediterran u tal-Afrika ta' Fuq, minħabba l-potenzjal kbir tagħhom fir-rigward tar-riżorsi tal-enerġija u l-opportunitajiet kbar ta' żvilupp għall-Afrika; jemmen, b'mod partikolari, li l-użu tal-enerġija mix-xemx u r-riħ għandu jkun riċerkat u inkoraġġut; jitlob, għalhekk, li l-għanijiet komuni għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija jkunu inklużi fil-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran;

51.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tikkopera mal-pajjiżi tal-Lvant Nofsani minħabba l-potenzal sinifikanti tagħhom fir-riżorsi tal-enerġija;

52.

Jappoġġja l-intenzjoni li tiġi nnegozjata ftehim ġdida fuq skala wiesgħa li tieħu post il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni tal-1997 mar-Russja, li tkun tinkludi Kapitolu dwar l-Enerġija, li jkun jirrispetta fis-sħiħ il-prinċipji tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u l-protokolli tranżitorji tiegħu; jinnota li r-Russja ffirmat u l-Ukraina rratifikat it-Trattat tal-Karta tal-Enerġija; ifakkar li fiha, fost l-oħrajn, mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni ta' tilwim li jipprovdi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim ngħidu aħna fil-każ ta' tilwim ta' tranżitu jew ta' kummerċ bejn il-partijiet rispettivi tat-Trattat;

53.

Jenfasizza l-bżonn li l-Ukraina tkun inkluża fl-arranġamenti Ewropej għal djalogu kontinwu mar-Russja, minħabba s-sehem ewlieni tagħha bħala pajjiż ta' tranżitu;

54.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-provvista,biex tikkunsidra l-estenzjoni tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ewropa tax-Xlokk għal pajjiżi terzi oħra u l-ħolqien ta' swieq reġjonali tal-enerġija ġodda ma' pajjiżi ġirien skont il-mudell tal-Komunità tal-Enerġija tal-Ewropa tax-Xlokk inkluż per eżempju, bħall-Komunità tal-Enerġija Ewro-Mediterranja;

55.

Jenfasizza l-bżonn li t-Turkija tkun inkluża fil-arranġamenti Ewropej għal djalogu kontinwu mar-reġjun Kaspjan–Kawkasu minħabba l-irwol prinċipali li jista' jkollha t-Turkija bħala pajjiż ta' tranżitu; itenni fl-istess ħin l-impenji tat-Turkija bħala pajjiż kandidat għall-allinjament mal-acquis communautaire;

56.

Jenfasizza l-importanza ġeopolitika tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed għas-sigurtà tal-enerġija tal-Unjoni u għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija tagħha;

57.

Jistieden lill-Istati Membri biex jirrinforzaw ir-relazzjonijiet li jirrigwardaw l-enerġija mal-pajjiżi tal-Amerika Latina fil-kuntest ta' ftehim ta' kooperazzjoni eżistenti u futuri;

58.

Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw l-euro bħala għodda ta' strutturazzjoni tar-relazzjonijiet finanzjarji internazzjonali sabiex jitnaqqsu l-varjazzjonijiet li ġejjin mill-fatturar tax-xiri taż-żejt u tal-gass; jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tistħarreġ il-kwistjoni tal-investiment barrani fis-settur Ewropew tal-enerġija permezz tal-applikazzjoni tal-klawsola ta' reċiproċità; infatti jemmen li sakemm ir-reċiproċità rigward aċċess għas-swieq ma tkunx garantita, l-Unjoni Ewropea għandha, kif ipproponew il-Parlament u l-Kummissjoni, tapplika klawsola effettiva għall-pajjiżi terzi rigward l-akkwist ta' sistema ta' trażmissjoni jew ta' operatur ta' sistema ta' trażmissjoni;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza modi differenti li bihom l-instabilità tal-prezzijiet taż-żejt u tal-gass tista' tkun imnaqqsa; jinnota b'mod partikolari l-irwol tat-trasparenza u l-kapaċità suffiċjenti ta' produzzjoni ta' riżerva kif ukoll l-effett katalitiku tal-ispekulazzjoni finanzjarja fuq il-formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq; jiċħad l-użu ta' stokks strateġiċi taż-żejt biex jitnaqqas iċ-ċaqliq fil-prezzijiet għal raġunijiet ekonomiċi;

60.

Jistieden lill-Istati Membri biex jintensifikaw u jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex jiġu żgurati mezzi ta' provvista, speċjalment dawk marittimi;

61.

Jistieden lill-Istati Membri biex jidentifikaw l-aqwa prattiki fuq livell internazzjonali u biex iżidu l-koperazzjoni teknoloġika ma' dawn il-pajjiżi biex jissaħħu l-għerf u l-esperjenza f'dan il-qasam; b'mod partikolari, jistieden lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-koperazzjoni teknoloġika tagħhom mal-Ġappun, liema ekonomijia hija totalment dipendenti fuq l-importazzjoni tal-enerġija u li żviluppat waħda mis-sistemi ta' enerġija l-aktar effiċjenti fid-dinja;

62.

Jinnota li l-ammont dejjem jikber ta' enerġija li ċ-Ċina qiegħda tikkonsma u l-emissjonijiet taċ-Ċina ta' gassijiet b'effett ta' serra jirrappreżentaw sfida enormi għall-miri ambjentali u għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; jitlob għal koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u ċ-Ċina għall-promozzjoni tat-trasferiment ta' teknoloġija b'użu baxx tal-karbonju, b'mod partikolari l-effiċjenza tal-enerġija u l-għejun rinnovabbli; jenfasizza l-importanza kruċjali tal-iżvilupp u l-użu tal-qbid u l-ħażna tal-karbonju (CCS) fiċ-Ċina, minħabba l-importanza tal-faħam għall-ekonomija tagħha;

63.

Jinnota l-importanza tad-djalogu dwar l-enerġija bejn l-UE u l-OPEC u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tintensifika d-djalogu dwar l-enerġija man-Norveġja;

Modi ta' rispons għall-kriżijiet billi jkunu mmaniġġjati l-ħażniet taż-żejt u tal-gass

64.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħsieb tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva 2006/67/KE tal-24 ta' Lulju 2006 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jżommu ħażniet minimi ta' żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (verżjoni kodifikata) (16) u jipproponi l-pubblikazzjoni tad-data ta' kull ġimgħa u mhux aktar ta' kull xahar, sabiex tingħata viżibiltà lis-suq u biex tiġi evitata reazzjoni sproporzjonata għas-sitwazzjoni fl-Amerika;

65.

Jinnota l-falliment tal-Istati Membri li juru solidarjetà għal dak li għandu x'jaqsam mal-ammont jiżdied ta' gass disponibbli għall-Istati Membri affettwati matul il-kriżi reċenti tal-gass bejn l-Ukraina u r-Russja; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jikkrejaw mekkaniżmu ta' solidarjetà skont it-Trattat ta' Liżbona, li għandu jippermetti lill-UE taġixxi effiċjentement, malajr, u koerentement f'sitwazzjonijiet ta' kriżi maħluqin mit-tħarbit tal-provvista, mill-ħsara lill-infrastruttura kritika jew kull ġrajja oħra;

66.

Jilqa b'sodisfazzjon, fid-dawl tal-kriżi riċenti msemmija hawn fuq li kkawżat tbatija fit-territorju tal-Unjoni, il-ħsieb tal-Kummissjoni li ttejjeb il-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE tas-26 ta' April 2004 rigward miżuri biex tkun salvagwardjata s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali (17) u jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi emendi għal din id-Direttiva qabel tmiem l-2009 skont il-linji proposti fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2008)0769 imsemmija hawn fuq;

67.

Jenfasizza li l-elementi ewlenin tar-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE għandhom jinkludu pjanijiet ta' azzjoni ta' emerġenza kemm nazzjonali kif ukoll tal-UE, mandatorji u effettivi, li fost ħwejjeġ oħra jiddefinixxu dikjarazzjoni komuni ta' sitwazzjoni ta' emerġenza, l-allokazzjoni ta' provvisti disponibbli u l-kapaċità tal-infrastruttura fost l-Istati milquta, bl-użu ta' kull mezz possibbli, inklużi, fost l-oħrajn, il-kuntratti interrompibbli, il-qlib minn fjuwil għal ieħor, it-tneħħija tal-ħżin, il-flessibilitajiet tal-provvista, ngħidu aħna; id-dispaċċ ikkoordinat, l-attivazzjoni ta' miżuri ta' emerġenza fi stati li ma jkunux milquta jew li jkunu milquta inqas sabiex jiżdied l-ammont ta' gass disponibbli għas-swieq milquta; jidhirlu li hija ħaġa essenzjali li jittejjeb il-funzjonament tas-suq permezz tat-trasparenza u li tiżdied id-disponibilità tal-gass fis-suq; jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jiżviluppaw ħażniet ta' gass b'kapaċità ta' rilaxx ta' malajr;

68.

Jipproponi li t-teknoloġiji tal-informazzjoni għandhom ikunu użati aħjar għall-qtugħ totali jew parzjali f'każ ta' kriżi u jikkunsidra, għal dan il-għan, li taħt il-kontroll tar-regolatur, tista' tiddaħal sistema li tkun kapaċi tnaqqas il-konsum fuq deċiżjoni kollettiva;

Effiċjenza tal-enerġija

69.

Jikkunsidra li t-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija b'mill-inqas 20% sal-2020 huwa prijorità fil-kontribut għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli u ta' kompetittività u huwa wkoll l-aktar mezz effettiv u ta' spiża effiċjenti ta' kif tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw immedjatament mira għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li tkun torbothom bil-liġi ta' mhux inqas minn 20% sa l-2020; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u biex jagħmlu aċċessibbli informazzjoni prattika dwar is-soluzzjonijiet ta' effiċjenza tal-enerġija li jridu jiġu adottati kif ukoll biex jippromwovu l-edukazzjoni dwar l-enerġija u programmi ta' taħriġ dwar l-enerġija fl-iskejjel u l-universitajiet fl-Unjoni kollha;

70.

Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni u infurzar f'waqthom u b'mod strett tal-leġiżlazzjoni dwar l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija mill-Istati Membri u l-Kummissjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu adottati miżuri mandatorji għall-kuntratti pubbliċi fil-livelli ta' Komunità u nazzjonali sabiex tiġi stimulata d-domanda għal prodotti u servizzi innovattivi li se jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija; jitlob għalhekk għal approċċ ambizzjuz fil-leġiżlazzjoni li ġejja dalwaqt rigward l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (b'mod partikulari fis-setturi tal-bini, tal-industrija u tat-trasport u fir-rigward tal-ippjanar urban u tal-apparat elettriku domestiku;

71.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħsieb tal-Kummissjoni li tosserva mill-qrib il-progress tas-sħana u l-enerġija kkombinati flimkien (CHP), u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta aktar miżuri ta' appoġġ bħala parti mill-eżami mill-ġdid tal-pjan ta' azzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fl-2009; ifakkar lill-Kummissjoni li l-iffrankar fuq l-enerġija primarja, l-effiċjenza fl-infiq tal-flus u s-sigurtà tal-provvista huma l-għanijiet prinċipali tal-proċess tas-CHP, tkun xi tkun it-teknoloġija li tintuża; jikkunsidra li għandu jitħalla f'idejn is-suq biex jiżviluppa u jagħżel it-teknoloġiji l-aktar effettivi; huwa favur l-iżvilupp ta' strateġija ta' promozzjoni u ffinanzjar għal infrastruttura bħal m'huma n-networks ta' tisħin u tkessiħ li jużaw riżorsi lokali bħall-enerġija ġeotermali u s-sħana koġenerata, pereżempju;

72.

Jappoġġja s-sħubija internazzjonali għall-koperazzjoni fir-rigward tal-effiċjenza tal-enerġija, biex ikunu promossi standards aktar uniformi u biex ikunu inkoraġġiti objettivi dinjija ambizzjużi;

73.

Jitlob għal użu aktar effiċjenti taż-żejt, speċjalment fil-qasam tat-trasport, li hu s-settur prinċipali li fih jintuża dan il-fjuwil; jitlob li jiġu adottati objettivi ambizzjużi għal perjodu ta' żmien medju (għall-2020) għall-effiċjenza tal-vetturi fl-użu tal-enerġija, filwaqt li jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex ifittxu teknoloġiji alternattivi tal-fjuwils u tal-propulsjoni, per eżempju magni tal-elettriku, għat-trasport tal-merkanzija u ta' passiġġieri individwali, speċjalment fiz-zoni urbani; jikkunsidra li jekk jirnexxilna naslu għal bidla sinifikanti fil-mod ta' kif jintuża t-trasport lejn għażliet li huma aktar favur l-ambjent, pereżempju minn trasport privat individwali bit-triq għal trasport pubbliku, għandu jkun parti ċentrali mill-istrateġija tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fis-settur tat-trasport;

74.

Jikkunsidra li approċċ li jkun “minn ta' quddiem” għall-vetturi mill-industrija tal-karozzi Ewropea jkun jgħin biex jintrebħu lura swieq internazzjonali, b'mod partikolari minn produtturi Ażjatiċi;

75.

Jiddispjaċih li t-trasport bil-ferrovija jgħoddu biss għal 10% tat-trasport tal-merkanzija Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mit-trasport ferrovjarju u dak bl-ilmijiet navigabbli; jitlob għal sforzi aktar determinati biex tiġi stabbilita l-aħjar taħlita ta' trasport bil-ferrovija, l-ilma u t-toroq;

76.

Jenfasizza l-importanza li tiġi adottata t-taħlita meħtieġa ta' miżuri ta' politika sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kemm tal-apparat elettriku domestiku eżistenti kif ukoll ta' dak ġdid;

Użu aħjar tar-riżorsi indiġeni u tal-aqwa teknoloġiji tal-UE

77.

Jaħseb li l-enerġiji rinnovabbli, bħar-riħ, il-bijogass, l-enerġija solari, mill-ilma, mill-bijomassa, dik ġeotermali u riżorsi marittimi, huma s-sorsi potenzjali l-aktar importanti tal-enerġija disponibbli għall-Unjoni Ewropea, li tista' tikkontribbwixxi għall-istabbiltà tal-prezzijiet tal-enerġija u għall-ġlieda kontra d-dipendenza dejjem akbar fuq l-enerġetija, u jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva li titressaq Komunikazzjoni dwar it-tneħħija għal kollox tal-ostakli li jfixklu l-enerġija rinnovabbli; jenfasizza f'dan il-kuntest li kull inizjattiva ġdida m'għandhiex twassal biex proġetti eżistenti jiġu posposti;

78.

Jikkunsidra li l-esplojtazzjoni tar-riżorsi fossili indiġeni, b'mod partikolari z-zoni ta' gass naturali fuq l-art kif ukoll fil-baħar, tista' tagħti kontribut biex tiżdied l-indipendenza tal-Ewropa fl-enerġija u għandha tiġi żviluppata fejn hi disponibbli, f'konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali nazzjonali u Ewropea; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsibu l-bilanċ regolatorju ġust bejn is-salvagwardji tal-ambjent u l-opportunitajiet għall-produzzjoni fit-territorju tal-Unjoni kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar;

79.

Ifakkar li, minħabba n-natura dejjem għaddejja tas-sorsi rinnovabbli, huwa essenzjali li tizdied il-kapaċità għall-interkonnessjoni fil-livell ta' Komunità filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lil dawk l-Istati Membri u r-reġjuni li huma l-aktar iżolati fi ħdan is-suq tal-enerġija tal-Unjoni, bl-intenzjoni li l-Istati Membri jiġu pprovduti l-mezzi li jeħtieġu biex jilħqu l-mira ta' 20% ta' enerġija rinnovabbli sa l-2020;

80.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jirrivoluzzjonaw ir-relazzjonijiet ta' bejn is-settur tal-bini u dak tal-enerġija permezz ta' pjan li jimmira li l-bjut tal-istallazzjonijiet agrikoli jintramaw bi strumenti għall-enerġija rinnovabbli bħal m'huma l-pannelli solari; Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali biex jipprovdu inċentivi lokali għall-użu ta' żjut użati u ta' riżorsi sostenibbli ta' bijomassa lokali, filwaqt li jiżguraw bilanċ xieraq bejn uċuh tar-raba' għall-enerġija u uċuh tar-raba' għall-ikel;

81.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta rapport lill-Parlament li jindika x'inhuma l-ostakli u l-istandards tekniċi li qed iżommu lill-SMEs milli jinvestu fil-produzzjoni tal-enerġija u l-użu li dawn qed jagħmlu min-networks eżistenti għad-distribuzzjoni tal-enerġija prodotta b'dan il-mod;

82.

Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-prijorità mogħtija lir-riċerka u l-iżvilupp fil-ħżin tal-elettriku, l-interkonnessjoni bbażata fuq l-ICT ta' faċilitajiet ta' ġenerazzjoni distribwita (“impjanti tal-enerġija virtwali”), is-sistemi ta' distribuzzjoni intelliġenti (smart grids) u ż-żieda fil-kapaċità tal-infrastruttura biex tkun tista' ssir il-konnessjoni prijoritarja tal-enerġiji rinnovabbli;

83.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi mill-ġdid il-politika Ewropea ta' sostenn għall-iżvilupp billi tintegra pilastru ġdid tal-enerġija; jikkunsidra f'dan il-kuntest li l-proġetti ta' impjanti solari fit-Tramuntana tal-Afrika jridu jkunu intenzjonati l-ewwel u qabel kollox biex jissodisfaw il-ħtiġijiet lokali;

84.

Ifakkar li kemm il-linjit u kemm il-faħam jibqgħu element tranżizzjonali importanti fit-taħlita enerġetika u fis-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni, minħabba riservi domestiċi kbar, bħala alternattiva għaż-żejt u għall-gass; Jisħaq madankollu li l-emissjonijiet ta' CO2 tiegħu huma ogħla minn sorsi primarji oħra ta' enerġija; Jitlob għalhekk li jsir tnaqqis ta' emissjonijiet bħal dawn permezz tal-modernizzazzjoni tal-power stations permezz tat-teknoloġiji tas-CCS u jistieden f'dak il-kuntest lill-Kummissjoni beix tikkunsidra l-possibilitajiet finanzjarji kollha biex tibni it-tnax-il proġett ta' dimostrazzjoni sal-2015;

85.

Jagħraf li t-taħlit tal-bijomassa għall-ħruq f'power stations moderni li jaħarqu l-faħam diġà qed jilħaq effiċjenza ta' 45%, u li jistgħu jilħqu livelli ta' effiċjenza ta' saħansitra 90% bl-użu tas-CHP; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu inċentivi għaż-żieda fit-taħlit ta' fjuwils bijoġeniċi f'power stations li jaħarqu l-fjuwils fossili;

86.

Jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li skontha, hu importanti li jinżamm il-kontribut tal-enerġija nukleari fit-taħlita tas-sorsi tal-enerġija, u li minħabba dan għandu jiġi promoss bla dewmien it-twaqqif ta' qafas ekonomiku u regolatorju armonizzat li jiffaċilita t-teħid tad-deċiżjonijiet ta' investiment meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan ta' direzzjoni speċifiku għall-investimenti nukleari; jikkunsidra li hu imperattiv li jinbeda dibattitu fi ħdan is-soċjetà, mingħajr ma jsir ġudizzju minn qabel tar-riżultat, dwar l-użu sikur ta' din il-għajn ta' enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, bħala parti integrali mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, l-adozzjoni mill-pajjiżi ġirien tal-acquis communautaire għas-sigurtà nukleari kull darba li jkun ippjanat impjant nukleari ġdid jew ikun immodernizzat impjant antik f'dawn il-pajjiżi;

87.

Ifakkar l-importanza tal-enerġija nukleari, li tiġi prodotta fi 15 mis-27 Stat Membru u li tiġi wżata minn għadd jerġa' akbar, u li tipprovdi għal madwar terz tad-domanda għall-elettriku fl-Unjoni Ewropea; ifakkar ukoll fis-sitt reatturi ġodda li qed jinbnew bħalissa f'erba' Stati Membri;

88.

Jenfasizza li l-kompetittività tal-enerġija nukleari, li fil-parti l-kbira tagħha ma tiġix affettwata mit-tibdil fil-prezzijiet tal-fjuwil minħabba l-proporzjon żgħir tal-ispejjeż tal-ġenerazzjoni li l-fjuwil, l-uranju, jirrappreżenta;

89.

Jenfasizza li l-industrija nukleari Ewropea tinsab quddiem nett fid-dinja fit-teknoloġiji kollha taċ-ċikli nukleari, speċjalment l-arrikkiment, li jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-sigurtà tal-provvista tal-Unjoni;

90.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni ta' appoġġ li ġeneralment tieħu l-Kummissjoni fir-rigward tal-enerġija nukleari; jinnota, iżda, li ma tindirizzax b'mod adegwat il-kwistjoni ta' kif fl-aħħar niddisponu mill-iskart radjuattiv, minkejja l-importanza kbira ta' dan f'għajnejn il-pubbliku; jitlob lill-Istati Membri kkonċernati jżidu l-isforzi tagħhom biex isolvu l-problema tar-rimi finali ta' kull tip ta' skart radjuattiv, iżda speċjalment ta' skart li huwa radjuattiv ħafna;

91.

Jikkunsidra li huwa essenzjali li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu assigurati li, fl-Unjoni, l-enerġija nukleari hija użata b'mod sikur u trasparenti, u fil-livell ta' sikurezza l-aktar għoli possibbli teknoloġikament b'mod partikulari f'dak li jirrgwarda l-immaniġġjar tal-iskart nukleari; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni msemmija hawn fuqgħal direttiva li twaqqaf qafas Komunitarju għas-sigurtà nukleari; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw mudelli u proċeduri flimkien mal-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika biex l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari jiġi miżmum milli jwassal għall-proliferazzjoni tal-armi nukleari;

92.

Jenfasizza li la fil-Programm Nukleari Illustrattiv rivedut tagħha u lanqas fir-reviżjoni strateġika, il-Kummissjoni m'eżaminat l-iżvilupp tat-teknoloġija nukleari sal-2050, kif issuġġerit fid-dokument ta' referenza tal-Pjattaforma għat-Teknoloġija għall-Enerġija Nukleari Sostenibbli, kif ukoll l-importanza mogħtija lill-proġett ITER ta' fużjoni kontrollata;

Lejn l-2050

93.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jippjanaw politika Ewropea tal-enerġija li tippermetti konverżjoni massiva lejn teknoloġiji tal-enerġija li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija u li għandhom emissjoni baxxa ta' karbonju biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-konsum tal-enerġija; jenfasizza li jekk l-effiċjenza tal-enerġija u l-ekonomiji tal-enerġija jibqgħu prijorità, kif ukoll il-kontinwazzjoni għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli, se jkun possibbli li jintlaħqu l-ħtiġijiet għall-enerġija minn sorsi b'emissjonijiet baxxi sal-2050;

94.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li t-tranżizzjoni li qed titmexxa fid-direzzjoni ta' sistema ta' enerġija effiċjenti ħafna se timplika approċċ sistematiku bbażat fuq is-sinerġiji bejn setturi differenti; jenfasizza l-importanza ċentrali li l-miżuri kollha jiġu evalwati abbażi tal-kontribuzzjoni tagħhom biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas- CO2; jemmen li għal dan il-għan l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet lokali integrati għandhom ikunu prijorità;

95.

Jikkunsidra l-isfidi globali u Ewropej fuq tul ta' żmien tal-enerġija u tal-bidla fil-klima bħala opportunità unika biex joħorġu mudelli ta' negozju ġodda fl-ekonomija kollha sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-intraprenditorija ambjentali;

96.

Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studji tal-fattibilità ta' proġetti ta' żvilupp ta' pjattaformi tar-riħ fil-Baħar tat-Tramuntana kif ukoll tal-proġett ta' bini ta' impjanti solari fl-Afrika;

97.

japprova, fil-qafas tal-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġiji tal-Enerġija, it-tfassil ta' aġenda politika għall-2030 u ta' pjan tar-rotta għall-politika tal-enerġija fl-2050; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tevalwa x-xejriet fil-kompożizzjoni tat-taħlita tal-enerġija skont diversi xenarji, fid-dawl tal-iżvilupp tad-domanda għall-enerġija, tar-riżorsi potenzjali ta' enerġija, tal-impatt ambjentali, tal-prezz ikkalkolat tal-enerġija u tas-CO2;

98.

Jitlob lill-Kummisjoni biex tiżgura li l-pjan direzzjonali jagħmel possibbli l-orjentament tar-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-enerġija kif ukoll tal-edukazzjoni sabiex jitnaqqas il-prezz tal-enerġija rinnovabbli u tal-ħżin tal-enerġija, u biex ikun żgurat is-suċċess tar-reatturi nukleari tar-raba' ġenerazzjoni tas-CCS u b'mod partikulari li tinstab alternattiva għaż-żejt għat-trasport, filwaqt li tenfasizza l-enerġija solari li hi riżorsa infinita;

99.

Ifakkar il-ħtieġa li tiġi imħeġġa, b'mod kontinwu, ir-riċerka fuq it-transmutazzjoni tal-iskart nukleari u l-fużjoni nukleari bħala għajn ta' enerġija wara medda ta' żmien twila ħafna;

*

* *

100.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 114.

(2)  ĠU C 76 E, 27.3.2008, p. 114.

(3)  ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 82.

(4)  ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 206.

(5)  ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 424.

(6)  Testi adottati, P6_TA(2008)0033.

(7)  Testi adottati, P6_TA(2008)0096.

(8)  Testi adottati, P6_TA(2008)0354.

(9)  Testi adottati, P6_TA(2008)0294.

(10)  Testi adottati, P6_TA(2008)0347.

(11)  Testi adottati, P6_TA(2008)0295.

(12)  Testi adottati, P6_TA(2008)0346.

(13)  Testi adottati, P6_TA(2008)0296.

(14)  Testi adottati, P6_TA(2008)0545.

(15)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(16)  ĠU L 217, 8.8.2006, p. 8.

(17)  ĠU L 127, 29.4.2004, p. 92.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/31


In-non-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali

P6_TA(2009)0039

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar in-non-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sessi u s-solidarjetà interġenerazzjonali (2008/2118(INI))

(2010/C 67 E/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 141 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tal-Ministri għall-Impjiegi u l-Politika Soċjali, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000, dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u tal-irġiel fil-ħajja professjonali u f'dik familjari (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2000, dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Ewropa għall-etajiet kollha - tkattir tal-prosperità u tas-solidarjetà interġenerazzjonali” (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2004, dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjari u privata (3),

wara li kkunsidra l-patt Ewropew għaż-żgħażagħ adottat mill-Kunsill Ewropew li ltaqa' fit-22 u t-23 ta' Marzu 2005 fi Brussell,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-isfidi demografiċi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (4),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2006, bit-titolu “Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa - il-bidla ta' sfida f'opportunità” (COM(2006)0571),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2007 dwar qafas regolatorju għall-miżuri ta' konċiljazzjoni tal-ħajja familjari u tal-perjodu ta' studju għan-nisa żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea (5),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2007 bit-titolu “Il-Promozzjoni tas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet” (COM(2007)0244),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet” (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2007 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2007 (7),

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa: fatti u ċifri” (SEC(2007)0638),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa (8),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Settembru 2008 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel - 2008 (9),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi (A6-0492/2008),

A.

billi n-nisa u l-irġiel huma ugwali f'termini kemm tad-dinjità tal-bniedem kif ukoll tad-drittijiet u l-obbligi,

B.

billi t-trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel huwa wieħed mill-prinċipji li fuqu msawra s-sistema legali u, għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat u rrispettat kull meta jiġu interpretati u infurzati l-liġijiet,

C.

billi għad fadal lakuni konsiderevoli bejn in-nisa u l-irġiel fl-aspetti l-oħrajn kollha tal-kwalità tax-xogħol, pereżempju fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u dik privata; billi r-rata tal-impjieg għan-nisa bi tfal dipendenti hija ta' 62.4% biss, meta mqabbla mar-rata ta' 91.4% għall-irġiel; billi 76.5% tal-ħaddiema fuq bażi “part-time” huma nisa,

D.

billi l-Istrateġija ta' Liżbona għandha l-għan li tiżgura li 60% tan-nisa li kapaċi jaħdmu jkollhom impjieg; billi l-objettivi kwalitattivi u kwantitattivi tal-Istrateġija ta' Liżbona u l-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u għax-Xogħol il-ġodda (10) – speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-impjieg tan-nisa u tal-adulti –huma determinati mill-għarfien li, mil-lat ta' sostenibilità, ma jistax jiġi tollerat li jinħlew dawn ir-riżorsi u l-potenzjal li jirrapreżentaw kif ukoll mill-għarfien li l-istabilità tas-sistemi tal-pensjonijiet u tas-sigurtà soċjali tinsab fil-periklu,

E.

billi l-prinċipju ta' trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel jimplika li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni, tkun xi tkun, diretta jew indiretta, abbażi tas-sessi, wisq anqas abbażi tal-maternità, tal-fatt li dak li jkun jerfa' responsabilitajiet familjari jew tal-istat ċivili,

F.

billi ċ-ċifri kkwotati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tat-12 ta' Ottubru 2006, juru li l-pajjiżi u r-reġjuni b'rata għolja ta' impjegati nisa u li għandhom sistemi tas-sigurtà soċjali, għandhom ukoll r-rata ogħla tat-twelid,

G.

billi t-tliet sfidi prinċipali tal-UE – il-bidliet demografiċi, il-globalizzazzjoni u l-bidla fil-klima – jesiġu solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet ibbażata fuq patt b'ambitu wies' mhux biss bejn il-ġenerazzjonijiet, iżda wkoll bejn sessi,

H.

billi l-patt bejn is-sessi u l-ġenerazzjonijiet għandu jinbena fuq il-possibilità li wieħed ikun jista' jorganizza l-ħajja professjonali u dik privata tiegħu u li jkun jista' jilħaq kompromess bejn l-esiġenzi ekonomiċi u produttivi tax-xogħol professjonali u l-possibilità li jagħżel meta u għal liema impenji jiddedika lilu nnifsu, fi ħdan qafas ta' drittijiet u responsabilitajiet stipulati permezz ta' strumenti leġiżlattivi u kuntrattwali,

I.

billi r-responsabilità bejn il-ġenerazzjonijiet tirrikjedi approċċ proattiv tal-awtoritajiet pubbliċi u rwol ewlieni min-naħa tal-atturi soċjali kollha, sabiex ikunu garantiti servizzi ta' interess ġenerali ta' kwalità għolja u sistemi adegwati u suffiċjenti ta' għajnuna u sigurtà soċjali,

J.

billi l-preżenza tan-nisa fis-suq tax-xogħol hija marbuta ma' bidliet kulturali u ma' riformi mmirati lejn l-implimentazzjoni ta' politiki ta' konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, dik familjari u personali u politiki ta' tqassim mill-ġdid tal-irwoli; billi dawn il-politiki jikkonċernaw aspetti differenti iżda li huma relatati mill-qrib li jkopru firxa ta' miżuri li jvarjaw mit-tnaqqis temporanju tal-ħin tax-xogħol, permezz tan-netwerking tas-servizzi mogħtija lil persuni, u li jinkludu l-bdil ta' kuntratti ta' xogħol “full time” f'kuntratti “part-time”, sal-użu tal-lif (tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri, tal-familja),

K.

billi l-bidliet demografiċi għandhom impatt notevoli fuq il-ħajja personali u dik professjonali tal-persuni; billi l-iskarsezza tas-servizzi, il-livelli insuffiċjenti ta' ħlas, id-dħul bil-mod fis-suq tax-xogħol professjonali, is-serje twila ta' kuntratti bi skadenza fissa, l-inċentivi insuffiċjenti għal koppji żgħażagħ, huma xi wħud mir-raġunijiet li jwasslu liż-żgħażagħ sabiex jipposponu l-ħolqien ta' familja u l-prokreazzjoni; billi r-riġidità tal-organizzazzjoni tax-xogħol, id-diffikultà ta' dħul mill-ġdid ta' xi ħadd fis-suq tax-xogħol wara li jkun qatta' perjodu jagħmel xogħol ta' kura, irendu diffiċli l-għażla libera ta' konċiljazzjoni bħal dik tal-alternanza bejn ix-xogħol professjonali u x-xogħol familjari,

L.

billi n-nuqqas ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, prima facie u b'mod ġenerali, tikkonċerna mhux biss in-nisa/l-ommijiet iżda wkoll l-irġiel/il-missirijiet; billi l-azzjoni politika f'dan il-qasam m'għandhiex tiffoka aktar fuq in-nisa biss, u billi l-politiki Ewropej u nazzjonali minn issa 'l quddiem għandhom jikkunsidraw il-bżonnijiet u l-abilitajiet tal-irġiel/missirijiet f'dan il-qasam,

M.

billi jeħtieġ li ssir riflessjoni dwar il-kunċett ta' diskriminazzjoni b'rabta max-xogħol ta' kura, f'dak li għandu x'jaqsam mal-fatt li dak li jkun jibbenefika mil-lif tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-familja, sabiex ikun verifikat jekk dawn id-diskriminazzjonijiet humiex forom ta' diskriminazzjoni marbutin mas-sess; billi jeħtieġ li jkun definit, f'livell Ewropew, il-kunċett ta' diskriminazzjoni multipla,

N.

billi l-kunċett ta' solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet mhuwiex biss limitat għall-kura tat-tfal iżda huwa wkoll estiż għar-responsabilità għall-anzjani u għall-persuni dipendenti, billi jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-kapaċitajiet umani taċ-ċittadini kif ukoll għar-rispett tad-dinjità umana u għall-promozzjoni ta' din id-dinjità ma' ġenerazzjonijiet futuri,

O.

billi l-faqar m'għandux ikun fattur ta' diskriminazzjoni fil-qasam tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, u anke l-ifqar familji jżommu rabtiet u huma attivi fis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet,

P.

billi l-persuni li jiddedikaw il-ħin u l-kapaċitajiet tagħhom biex jieħdu ħsieb it-tfal u l-edukazzjoni tagħhom, jew biex jieħdu ħsieb l-anzjani, għandu jkollhom rikonoxximent soċjali u dan jista' jsir billi dawn il-persuni jingħataw drittijiet individwali, partikolarment fir-rigward tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet,

Q.

billi l-irwol edukattiv tal-ġenituri fir-rigward tat-tfal u tal-ulied fir-rigward tal-anzjani u tal-persuni dipendenti u l-irwol tan-nisa u tal-irġiel bħala persuni li joffru kura lill-anzjani u lill-persuni dipendenti huma essenzjali biex iseħħ progress għall-ġid komuni u għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali fil-politiki trasversali, inklużi politiki għan-nisa u l-irġiel li jagħmlu għażla libera illi jiddedikaw ħinhom kollu jew parti minnu għal din l-attività,

R.

billi, sa minn Ottubru 2003, il-Kummissjoni Ewropea bdiet twettaq mal-imsieħba soċjali dwar is-suġġett ta' konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, dik familjari u dik personali; billi din il-konsultazzjoni li waslet fit-tieni fażi u li hija bbażata fuq l-importanza li jinstabu l-politiki u l-istrumenti li jippermettu li jinstab kompromess bejn xogħol ta' kwalità u r-responsabilitajiet ta' nisa u rġiel li jieħdu ħsieb persuni oħrajn,

S.

billi l-irġiel għandhom irwol importanti sabiex tkun tista' tinkiseb ugwaljanza ġenwina,

T.

wara li kkunsidra l-prinċipji ta' flessigurtà li japplikaw għan-nisa, kif definiti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2007 dwar il-Prinċipji Komuni ta' Flessigurta' (11), u billi l-arranġamenti għall-ħinijiet tax-xogħol fil-parti l-kbira tal-Ewropa ma jidhrux li jipprovdu wisq appoġġ għall-persuni bit-tfal, u billi l-impjegati bit-tfal għandhom anqas possibilità li jaħdmu f'xogħol b'arranġamenti flessibbli ta' ħinijiet minn dawk mingħajr tfal (12),

U.

billi l-ekwilibriju ġust bejn pjanijiet familjari, ħajja privata u ambizzjonijiet professjonali jista' jintlaħaq biss jekk il-persuni kkonċernati jkollhom għażla ġenwinament ħielsa, f'termini ekonomiċi u soċjali, u jkunu appoġġjati permezz ta' deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali, mingħajr ma jiġu penalizzati, u jekk tkun teżisti l-infrastruttura meħtieġa,

V.

billi jeżisti riskju ta' xogħol “part-time”“sfurzat”, b'mod partikulari għan-nisa/ommijiet, għażla li ta' spiss tkun imposta minħabba n-nuqqas ta' strutturi aċċessibbli għall-kura tat-tfal, hekk kif jeżisti r-riskju li ma jitħallewx jibdlu xogħol fuq bażi “full-time” għal wieħed fuq bażi “part-time”, fatt li jrendi diffiċli jew impossibbli l-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, dik familjari u dik personali,

1.

Jenfasizza li l-prinċipju ta' solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet huwa wieħed mill-fatturi strutturali ewlenin għall-mudell soċjali Ewropew; sabiex jinżamm dan il-prinċipju, jitlob approċċ attiv li għandu jittieħed mill-awtoritajiet pubbliċi f'livelli varji u li l-atturi soċjali kollha jkunu involuti fil-garanzija ta' servizzi ta' kwalità għolja ta' interess ġenerali għall-familji, għaż-żgħżagħ u għal dawk kollha li mhux kapaċi jmantnu lilhom infushom;

2.

Jinnota li l-politiki ta' kura u l-provvediment ta' servizzi tal-kura huma intrinsikament marbuta mal-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jikkritika n-nuqqas ta' servizzi tal-kura bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu, aċċessibbli ta' kwalità għolja fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, li huwa marbut mal-fatt li x-xogħol tal-kura mhux maqsum b'mod ugwali bejn in-nisa u l-irġiel u dan għandu impatt negattiv fuq il-kapaċità tan-nisa li jipparteċipaw fl-aspetti kollha tal-ħajja soċjali, ekonomika, kulturali u politika;

3.

Jenfasizza li l-faċilitajiet għall-kura tat-tfal ta' kwalità tajba u ekonomikament aċċessibbli, li joperaw f'ħinijiet adattati għall-ġenituri u għat-tfal kif ukoll strutturi għall-kura ta' kwalità tajba u ekonomikament aċċessibbli għandhom ikunu elementi ċentrali tal-mudell soċjali tal-UE u elementi prinċipali fl-iffaċilitar tal-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol u impjieg bi ħlas, li jippermettulhom li jużaw il-kapaċitajiet tagħhom sabiex jiksbu indipendenza ekonomika;

4.

Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-impenji tagħhom, miftiehma fil-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-2002, li jeqirdu l-ostakli għall-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol u li jintroduċu, sal-2010, kura tat-tfal għal 90% tat-tfal bejn l-età ta' tliet snien u l-età obbligatorja tal-iskola u għal tal-anqas 33 % tat-tfal taħt l-età ta' tliet snin; jistieden lill-Istati Membri biex iressqu miri simili għal faċilitajiet għall-kura għall-qraba anzjanni u morda;

5.

Jirreferi għall-iżbilanċ kbir bejn l-irġiel u n-nisa fil-kondiviżjoni tar-responsabilitajiet domestiċi u familjari, li prinċipalment iwassal biex in-nisa jagħżlu arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli jew saħansitra jieqfu kompletament mix-xogħol u dan iħalli impatt fuq l-iżvilupp tal-karriera tan-nisa, fuq il-lakuna kontinwa fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa kif ukoll fuq l-akkumulazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni;

6.

Jibża' li l-proposta tal-Presidenza Ċeka għal kura tat-tfal bħala “alternattiva kompleta għal karriera professjonali” hija mmirata lejn il-kondiviżjoni tradizzjoni tax-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa, jiġifieri l-kunċett tradizzjonali li l-ħaddiem ikun raġel, disponibbli fuq bażi full time, “b'par idejn inviżibbli” (in-nisa) li jieħdu ħsieb il-bżonnijiet personali tiegħu u jorganizzaw id-dar u l-familja;

7.

Jinsab imħasseb ħafna bill-fatt li, speċjalment fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika, il-proposta tal-Presidenza Ċeka ġġiegħel lin-nisa sabiex jitilqu xogħolhom sabiex isegwu t-triq “naturali” tagħhom, jiġifieri li jieħdu ħsieb it-tfal u dipendenti oħrajn; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu kull sforz biex jinkisbu l-għanijiet ta' Barċellona fir-rigward tal-kura tat-tfal;

8.

Jenfasizza li l-parteċipazzjoni sħiħa ta' ġenitur jew ġenituri f'xogħol b'paga deċenti tista' tgħin kontra l-faqar fost il-ħaddiema kontra r-riskju ta' faqar f'familji b'ġenitur wieħed, li għandhom rata ta' faqar ferm ogħla (32%);

9.

Jenfasizza li l-iskemi tal-pensjonijiet fl-Istati Membri għadhom jikkonċedu lil ħafna nisa drittijiet derivati biss ibbażati fuq ir-rekord tal-impjieg tal-irġiel tagħhom, bil-konsegwenza li l-maġġoranza tan-nies iktar imdaħħlin fl-età li jgħixu fil-faqar huma nisa;

10.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-fatturi strutturali li jikkontribwixxu għall-inugwaljanza b'rabta mal-iskemi tal-pensjonijiet, inkluża l-organizzazzjoni tal-kura u l-ilħuq ta' kompromess bejn il-ħajja familjari u dik tax-xogħol, l-inugwaljanzi b'rabta mas-suq tax-xogħol, id-distakk fis-salarji abbażi tas-sess u d-diskriminazzjoni diretta fejn jidħlu skemi tal-pensjonijiet tat-tieni u tat-tielet pilastru;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal direttiva ġdida dwar salvagwardji u drittijiet speċifiċi fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik familjari fejn ikun hemm membri tal-familja li jkunu dipendenti (tfal, anzjani u persuni b'diabilità);

12.

Jitlob lill-organizzazzjonijiet u lill-entitajiet ta' riċerka sabiex jinvestu iktar u b'mod aħjar fl-aspetti ta' titjib ekoloġiku tal-prodotti mmirati lejn it-tfal u lejn persuni mhux awtosuffiċjenti u, b'mod komplessiv, lejn l-użu domestiku;

13.

Jistieden lill-Eurostat biex jiżviluppa miżuri biex jippreżenta statistiċi dwar il-kura tat-tfal u l-kura tad-dipendenti skont is-sessi;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq inizzjattivi konkreti biex tirrikonoxxi l-kompetenzi akkwiżiti fit-twettiq tad-dmirijiet edukattivi, tas-servizzi mogħtija lill-persuni dipendenti u tal-ġestjoni tad-dar b'mod li l-kompetenzi jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati meta ssir integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; ifakkar kif l-evalwazzjoni tal-kompetenzi trasversali tagħmel parti fundamentali mill-hekk imsejjaħ “bilanċ tal-kompetenzi”, skont l-aħjar tradizzjonijiet tal-isperimentazzjonijiet nazzjonali li saru fuq sistemi ta' tlaqqigħ tat-talba u tal-provvista ta' xogħol;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħmel kampanja għall-fini ta' qawmien ta' kuxjenza u sabiex tintroduċi proġetti pilota biex tkun faċilitata l-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u tal-irġiel fil-ħajja professjonali u f'dik familjari;

16.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw ħinijiet flessibbli tax-xogħol għall-ġenituri (bħala riżultat ta' għażla libera) u ħinijiet flessibbli għal istituzzjonijiet ta' kura għat-tfal, sabiex tingħata għajnuna kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel biex isibu kompromess b'iktar suċċess bejn il-ħajja tax-xogħol u dik familjari;

17.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja l-prattiki tajbin tal-Istati Membri b'rabta ma' persuni li jieħdu ħsieb persuni oħrajn u sabiex tikkomunika dawn l-aħjar prattiki lill-Istati Membri kollha, sabiex turi li l-persuni li jieħdu ħsieb persuni oħrajn għandhom irwol ċentrali fil-qasam tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u sabiex tinkoraġġixxi l-implimentazzjoni ta' strateġija fl-Istati Membri għall-persuni li jieħdu ħsieb persuni oħrajn;

18.

Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jippromwovu l-programmi operattivi li nediet il-Kummissjoni f'isem l-Alleanza Ewropea għall-Familji; jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-iżvilupp ta' għodda għall-iskambju sistematiku tal-aħjar prattika u tar-riċerka f'dan il-qasam;

19.

Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-ommijiet u l-missirijiet li jaħdmu jkun jista' jkollhom l-appoġġ tal-politiki ta' konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, il-ħajja familjari u l-ħajja personali u jkun jista' jkollhom aċċess għall-istrumenti relatati;

20.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw arranġamenti ta' lif (lif tal-ġenituri, lif tal-adozzjoni, lif ta' solidarjetà) applikabbli għall-persuni li jixtiequ jinterrompu l-attività professjonali tagħhom biex jibdew jieħdu ħsieb persuna dipendenti;

21.

Iqis li jeħtieġ li jsir intervent sabiex jittejjeb l-użu mhux biss tal-lif tal-maternità iżda wkoll tal-lif tal-paternità u tal-lif tal-ġenituri, b'referenza għal-lif li jibbenefikaw minnu missirijiet li jaħdmu, billi fl-Istati Membri kollha persentaġġ żgħir ta' rġiel jużaw il-lif mogħti lilhom;

22.

Jinsisti fuq il-fatt li persuni li jixtiequ jinterrompu jew inaqqsu l-attività professjonali formali biex jinvestu fis-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw minn ħinijiet tax-xogħol flessibbli; jitlob għalhekk lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju biex jikkoperaw aktar volontarjament, u lill-entitatjiet eżekuttivi pubbliċi għal flessibilità finanzjarja akbar fil-previżjonijiet baġitarji tagħhom ta' għajnuna Statali;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem flimkien mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, biex tibda tirrevedi l-politiki ta' konċiljazzjoni bejn il-ħajja familjari u dik professjonali billi:

tiżgura li l-ispejjeż tal-maternità/paternità ma jkunux biss ir-responsabilità tal-kumpanija iżda wkoll tal-awtoritajiet, u dan biex tispiċċa l-imġiba diskriminatorja fi ħdan il-kumpaniji, u biex tappoġġja t-tiġdid demografiku,

ittejjeb l-aċċessibilità għas-servizzi li jieħdu ħsieb u jipprovdu għajnuna lil persuni li ma jkunux awtosuffiċjenti (tfal, persuni b'diżabilità u anzjani) u l-flessibilità ta' dawn is-servizzi billi tistabbilixxi numru minimu ta' strutturi li jkunu miftuħin bil-lejl ukoll, biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tax-xogħol filwaqt li titħares il-ħajja privata;

24.

jilqa' b'mod favorevoli l-proposta li jiġi inkluż artikolu separat, fid-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (13), dwar il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, familjari u personali fid-direttiva dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol u jinnota l-ħtieġa li tali dispożizzjoni tiġi kkunsidrata meta jiġu rregolati l-ħinijiet tax-xogħol fil-ġimgħa u l-arranġamenti ta' ħinijiet tax-xogħol meta wieħed ikun on-call;

25.

Jitlob lill-Istati Membri biex jaraw li dawk il-persuni li jkunu ssospendew temporanjament l-attività professjonali tagħhom biex jiddedikaw ruħhom għall-edukazzjoni tat-tfal jew biex jieħdu ħsieb persuni anzjani jew dipendenti, ikunu jistgħu jerġgħu jintegraw ruħhom fis-suq tax-xogħol u jibqgħu jgawdu d-dritt li jerġgħu jieħdu posthom fejn kienu qabel kif ukoll id-dritt ta' promozzjoni professjonali;

26.

Jinnota li d-dħul finanzjarju u l-impjieg tan-nisa stess jibqgħu fatturi ewlenin li jwasslu għall-awtonomija ekonomika tagħhom u għal iktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà kollha kemm hi;

27.

Jinsisti fuq il-fatt li s-solidarjetà fil-konfront tal-anzjani fis-soċjetà trid tissaħħaħ, iżda trid tkun ukoll reċiprokata fil-konfront tat-tfal u ż-żgħażagħ; filwaqt li l-anzjani jittrasmettu l-għerf, il-kapaċitajiet u l-esperjenzi tagħhom, il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, min-naħa tagħhom, jittrasmettu l-enerġija, id-dinamiżmu, l-entużjażmu tagħhom lejn il-ħajja u t-tamiet tagħhom;

28.

Jikkunsidra li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet għandha tiġi promossa permezz ta' politiki fiskali prudenti (fil-forma ta' trasferimenti u tnaqqis), interventi għal persuni ta' età attiva, politiki ta' taħriġ, netwerks integrati ta' servizzi għat-tfal, il-persuni anzjani, il-persuni b'diżabilità u mhux awtosuffiċjenti, filwaqt li jkun evalwat l-impatt tagħha fuq l-appoġġ u fuq il-penalizzazzjoni tal-għażliet u fuq il-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, il-ħajja familjari u l-ħajja personali;

29.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li hemm bżonn li jiġu adottati miżuri pożittivi favur l-irġiel u n-nisa, speċjalment li jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fix-xogħol wara żmien li jkunu ddedikaw għall-familja (edukazzjoni tat-tfal u/jew biex jieħdu ħsieb qarib marid jew b'diżabilità), billi jiffavorixxu politiki ta' integrazzjoni (mill-ġdid) fis-suq tax-xogħol biex jippermettulhom li jiksbu mill-ġdid l-indipendenza ekonomika tagħhom;

30.

Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu politika fiskali li tikkunsidra l-obbligi finanzjarji tal-immaniġġjar ta' dar, u partikolarment l-ispejjeż biex jiġu indukrati t-tfal u biex persuni jieħdu ħsieb l-anzjani u l-persuni dipendenti permezz ta' sistema fiskali jew ta' eżenzjonijiet fiskali;

31.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jirrivedu s-sistemi tagħhom tat-taxxa u sabiex jistabbilixxu rati tat-taxxa bbażati fuq drittijiet individwali u, konsegwentement, jitlob l-individwalizzazzjoni kemm tad-drittijiet tal-pensjonijiet kif ukoll tad-drittijiet tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

32.

Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri, bil-għan li jiġi implimentat il-prinċipju ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, sabiex jieħdu miżuri speċifiċi favur in-nisa biex jinstab rimedju għal każi evidenti ta' inugwaljanza de facto tan-nisa fil-konfront tal-irġiel; iżid jgħid li miżuri ta' dan it-tip, li għandhom japplikaw sakemm jibqgħu jeżistu tali sitwazzjonijiet, għandhom ikunu raġonevoli u, f'kull każ, għandhom ikunu proporzjonati għall-objettiv li qiegħed jiġi segwit;

33.

Jitlob lill-awtoritajiet nazzjonali u lokali sabiex jiżviluppaw programmi mmirati lejn iż-żgħażagħ li jinkorporaw id-dimensjoni interġenerazzjonali, sabiex il-ġenerazzjoni l-iktar żagħżugħa tifhem li l-livelli attwali ta' prosperità u ta' benesseri huma dovuti għall-isforzi u għat-tbatija tal-ġenerazzjonijiet preċedenti;

34.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u lill-awtoritajiet pubbliċi kollha sabiex jikkunsidraw b'mod attiv il-prinċipju ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel meta jkunu qegħdin jadottaw u jimplimentaw dispożizzjonijiet ġuridiċi, ikunu qegħdin ifasslu politiki pubbliċi u jkunu qegħdin iwettqu l-attivitajiet tagħhom b'mod ġenerali;

35.

Jitlob lill-midja sabiex tagħti attenzjoni pożittiva u konsistenti lir-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet, permezz ta' rappurtar ta' kwistjonijiet interġenerazzjonali, diskussjonijiet fost gruppi ta' etajiet differenti u, b'mod iktar ġenerali, riflessjoni pożittiva fir-rigward tal-kontribut mogħti minn ġenerazzjonijiet iktar imdaħħlin fl-età lis-soċjetà;

36.

Jinsisti dwar il-fatt li l-prinċipju ta' trattament u opportunitajiet ugwali jrid jiġi kkunsidrat fil-politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali kollha, billi dan il-fattur jgħin kemm sabiex tkun evitata segregazzjoni fis-suq tax-xogħol kif ukoll sabiex ikunu eliminati distakki fis-salarji, u wkoll sabiex tingħata spinta 'l quddiem lit-tkabbir tal-intraprenditorija tan-nisa;

37.

Iqis li, fid-dawl tal-bidliet li seħħew fil-mudell familjari u tal-integrazzjoni gradwali tan-nisa fis-suq tax-xogħol, huwa essenzjali li ssir riforma fl-arranġamenti tradizzjonali ta' kura għal persuni dipendenti; jirrakkomanda li l-Istati Membri jwessgħu u jikkumpletaw l-azzjonijiet ta' protezzjoni mmexxija mis-servizzi soċjali tagħhom sabiex jiżguraw li d-dritt għall-promozzjoni u għall-awtonomija personali jkun jista' jiġi eżerċitat b'mod ugwali u li fil-fatt tingħata kura lill-persuni dipendenti;

38.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew, kif ukoll lil parlamenti u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri, lill-ILO, lill-OECD u lill-UNDP.


(1)  ĠU C 218, 31.7.2000, p. 5.

(2)  ĠU C 232, 17.8.2001, p. 381.

(3)  ĠU C 102 E, 28.4.2004, p. 492.

(4)  ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 131.

(5)  ĠU C 146 E, 12.06.2008, p. 112.

(6)  ĠU C 120, 16.5.2008, p. 66.

(7)  ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 324.

(8)  Testi adottati, P6_TA(2008)0066.

(9)  Testi adottati, P6_TA(2008)0399.

(10)  Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2007 intitolata “Linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi (2008-2010)” (COM(2007)0803).

(11)  ĠU C 297E, 20.11.2008, p. 174.

(12)  Eurostat, The life of women and men in Europe, 2008, p. 89.

(13)  ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/38


Il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal

P6_TA(2009)0040

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 lill-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (2008/2144(INI))

(2010/C 67 E/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill minn Roberta Angelilli f'isem il-Grupp UEN dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (B6-0216/2008),

wara li kkunsidra l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li tinkorpora d-dritt tat-tfal għall-protezzjoni u l-ħarsien,

wara li kkunsidra l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni tal-20 ta' Novembru 1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU u l-Protokoll Fakultattiv tiegħu tal-25 ta' Mejju 2000 rigward il-bejgħ ta' tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (“il-Protokoll Fakultattiv”),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2004/68/JHA tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (1) (“id-Deċiżjoni ta' Qafas”),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissoni tas-16 ta' Novembru 2007 ibbażat fuq l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-ġlieda kontra l-isfruttament tat-tfal u l-pornografija tat-tfal (COM(2007)0716) (“ir-Rapport tal-Kummissjoni”),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-13 ta' Lulju 2007 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali (“il-Konvenzjoni CoE”),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008: Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (2),

wara li kkunsidra s-sejbiet tal-Patt ta' Rio de Janeiro għall-Prevenzjoni u l-Qirda tal-Isfruttament Sesswali tat-Tfal li dwaru sar qbil bejn il-25 u t-28 ta' Novembru 2008 waqt it-III Kungress Dinji kontra l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal u l-Adolexxenti,

wara li kkunsidra l-Artikolu 114 (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0012/2009),

A.

billi l-Konvenzjoni CoE ffirmata minn għoxrin Stat Membru tal-UE hija l-ewwel strument legali internazzjonali li jikkategorizza l-forom varji ta' abbuż sesswali fuq it-tfal bħala reati kriminali, inklużi abbużi bħal dawn, imwettqa inter alia bl-użu ta' forza, sfurzar jew theddid, anke fi ħdan il-familja,

B.

billi seba' Stati Membri għadhom ma ffirmawx il-Konvenzjoni CoE u tmien Stati Membri għadhom ma rratifikawx il-Protokoll Fakultattiv,

C.

billi t-tfal kull ma jmorru qed jagħmlu użu dejjem akbar mit-teknoloġiji l-ġodda u billi parti aktar sinifikanti mill-ħajja soċjali tat-tfal u taż-żgħażagħ qiegħda tiżvolġi online fejn jintużaw teknoloġiji u għodod ta' komunikazzjoni avvanzati u li dejjem qed jevolvu; billi b'konsegwenza l-Internet qed jintuża dejjem aktar minn persuni li potenzjalment u attwalment iwettqu reati sesswali biex jippreparaw għall-abbuż sesswali tat-tfal, b'mod partikolari permezz ta' grooming u pornografija tat-tfal,

1.

Jippreżenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

a)

biex iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan sabiex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw il-konvenzjonijiet internazzjonali kollha relevanti, l-ewwel fosthom il-Konvenzjoni CoE billi din tipprovdi protezzjoni addizzjonali għad-drittijiet tat-tfal lil hinn mid-Deċiżjoni ta' Qafas, iżda wkoll il-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni tan-NU rigward il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal,

b)

biex jgħin lill-Istati Membri fit-titjib tal-leġiżlazzjoni tagħhom kif ukoll fil-kooperazzjoni extraterritorjali fost l-Istati Membri f'dan il-qasam; li jitlob li reati sesswali kontra tfal taħt l-età ta' 18-il sena dejjem jiġu kklassifikati bħala sfruttament tal-minorenni fl-UE kollha, skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Jannar 2008 msemmija hawn fuq;

c)

biex jippermetti lill-Istati Membri li jeskludu espliċitament ir-rekwiżit ta' inkriminazzjoni doppja biex tiġi deċiża l-ġurisdizzjoni għar-reati stabbiliti bi qbil mad-Deċiżjoni ta' Qafas;

d)

biex iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkriminalizzaw kull tip ta' abbuż sesswali tat-tfal;

Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Qafas

e)

biex jgħin lill-Istati Membri li għadhom ma implimentawx id-Deċiżjoni ta' Qafas kollha kemm hi sabiex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli; b'mod partikolari, jenfasizza l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni għad-definizzjoni tal-pornografija tat-tfal kif stipulata fl-Artikolu 1(b) tad-Deċiżjoni ta' Qafas, billi jiġu pprovduti mekkaniżmi għall-ħarsien tal-vittmi, u permezz tal-implimentazjzoni tal-Artikolu 8(1)(b) tad-Deċiżjoni ta' Qafas li tittratta l-ġurisdizzjoni extraterritorjali (it-turiżmu sesswali);

f)

biex jappella għal protezzjoni effettiva kontra l-isfruttament tat-tfal billi t-turiżmu sesswali tat-tfal jiġi kkunsidrat bħala reat kriminali f'kull Stat Membru; jappella biex kull ċittadin tal-UE li jikkommetti reat sesswali kontra t-tfal fi kwalunkwe pajjiż fl-UE jew barra mill-UE jkun soġġett għal-leġiżlazzjoni kriminali extraterritorjali uniformi, applikabbli fl-UE kollha;

g)

biex itejjeb, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Qafas sabiex tinkiseb informazzjoni f'waqtha u sħiħa permezz tal-ħolqien ta' mekkaniżmi li jippermettu lill-Istati Membri li jelenkaw l-informazzjoni rilevanti, inklużi d-definizzjonijiet tar-reati, f'oqsma tematiċi xierqa, biex b'hekk jissimplifikaw il-paragun fost is-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri;

h)

biex iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jirrappurtaw fid-dettall dwar l-istat tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari jekk il-kooperazzjoni mal-NGOs hija prevista fil-liġi jew isseħħ de facto;

i)

biex iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jirrappurtaw dwar id-destinazzjoni tal-assi maħtufa fil-kuntest ta' każ ippruvat ta' prostituzzjoni tat-tfal jew pornografija tat-tfal;

Ir-Reviżjoni tad-Deċiżjoni ta' Qafas

j)

li jirrevedi d-Deċiżjoni ta' Qafas fuq il-bażi tal-proposti ppreżentati mill-Presidenza tal-Kunsill, u minn kwalunkwe Stat Membru ieħor jew inkella mill-Kummissjoni, biex b'hekk il-livell ta' ħarsien jogħla, talanqas, għal-livell ipprovdut mill-Konvenzjoni CoE u billi l-attenzjoni tiġi aktar iffukata fuq l-abbużi relatati mal-Internet u ma' teknoloġiji oħrajn ta' komunikazzjoni; jirrakkomanda li l-proposti jinkludu d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

il-ħolqien ta' sistemi nazzjonali ta' mmaniġġjar ta' persuni ħatja ta' reati sesswali li jkunu jinkludu evalwazzjoni tar-riskju, kif ukoll programmi ta' intervent sabiex ir-riskju ta' reati ripetuti jiġi evitat jew imminimizzat, u terapiji disponibbli għall-persuni ħatja ta' reati sesswali; programmi ta' intervent u terapija volontarja bħal dawn jistgħu jiġu ffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-UE biex jiġi żgurat li l-benesseri tat-tfal ikun il-punt fokali fl-UE kollha;

it-tisħiħ tal-approċċ imsejjes fuq id-drittijiet tal-bniedem u ffukat fuq il-vittmi;

il-kriminalizzazzjoni tal-grooming (l-istedin tat-tfal għal skopijiet sesswali) u l-użu tad-definizzjoni ta' grooming ibbażata fuq l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni CoE;

il-kriminalizzazzjoni tal-involviment f'attivitajiet sesswali ma' individwi taħt l-età ta'18-il sena anke meta hu jew hi jkollhom 'il fuq mill-età tal-kunsens f'każi fejn jintużaw l-isfurzar, il-forza jew it-theddid, jew fejn ikun hemm abbuż minn pożizzjoni ta' fiduċja, ta' awtorità jew ta' influwenza fuq it-tfal, inkluż fil-familja, jew fejn isir abbuż minn sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli tat-tfal, l-aktar minħabba diżabilità mentali jew fiżika jew sitwazzjoni ta' dipendenza, jew fejn jingħataw flus jew forom oħra ta' ħlas jew kunsiderazzjonijiet bħala pagament għall-involviment tat-tfal f'attivitajiet sesswali;

il-kriminalizzazzjoni tal-isfurzar tat-tfal fi żwieġ furzat;

il-kriminalizzazzjoni tal-fatt li wieħed jattendi konxjament għal preżentazzjonijiet pornografiċi li jinvolvu t-tfal jew li wieħed intenzjonalment iġiegħel lit-tfal sabiex jassistu għal abbuż jew għal attivitajiet sesswali;

il-kriminalizzazzjoni ta' fornituri ta' chat rooms pedofili jew fora pedofili fuq l-Internet;

miżuri li jiżguraw li l-Istati Membri, fil-kuntest ta' strateġija komprensiva ta' kooperazzjoni internazzjonali diplomatika, amministrattiva u ta' infurzar tal-liġi, jieħdu l-passi xierqa biex materjal illegali dwar abbuż tat-tfal jitneħħa minn fuq l-Internet fis-sors, u b'hekk il-vittmi jingħataw l-akbar ħarsien possibbli, u jaħdmu mal-fornituri tal-Internet sabiex ineħħu websajts li jintużaw għat-twettiq, jew għar-riklamar tal-possibilità ta' twettiq, ta' reati skont id-Deċiżjoni ta' Qafas;

l-appoġġ għall-isforzi tal-Kummissjoni f'koperazzjoni mal-kumpaniji l-kbar tal-karti tal-kreditu biex jinvestigaw jekk ikunx teknikament fattibbli li jingħalqu jew jiġu ostakolati s-sistemi ta' ħlas permezz tal-Internet għal websajts involuti fil-bejgħ fuq l-Internet ta'pornografija tat-tfal; kif ukoll it-tħeġġiġ ta'operaturi ekonomiċi oħra, bħal banek, bureaux de change, fornituri tal-Internet u l-kumpaniji tal-magni tat-tiftix biex jieħdu sehem attiv fl-isforzi kontra l-pornografija tat-tfal u għamliet oħra ta' sfruttament sesswali kummerċjali tat-tfal;

it-tħeġġiġ tal-Istati Membri biex jipprovdu lill-ġenituri bi programmi li jistgħu jitħadmu faċilment, li jippermettulhom li jimblukkaw l-aċċess tat-tfal għal websajts pornografiċi;

l-adozzjoni ta' miżuri li jħeġġu l-vittmi ta' sfruttament sesswali biex iressqu rikorsi kriminali u ċivili fil-qrati nazzjonali kontra persuni li jwettqu reati sesswali;

ir-reviżjoni tal-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li jipprovdi biss bażi minima għall-prevenzjoni ta' persuni misjuba ħatja ta' reati sesswali milli jiksbu aċċess għat-tfal permezz ta' impjieg jew attivitajiet voluntarji li jinvolvu kuntatt regolari mat-tfal, inter alia billi l-Istati Membri jiġu meqjusa li għandhom l-obbligu li jiżguraw li l-applikanti għal ċerti pożizzjonijiet ta' xogħol mat-tfal ikollhom il-kondotta tagħhom ċċekkjata, u li joħolqu linjigwida ċari għal min iħaddem dwar l-obbligi tiegħu f'dan ir-rigward;

l-iffaċilitar ta' kooperazzjoni internazzjonali permezz tal-użu tal-istrumenti pprovduti mill-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni CoE;

l-obbligu ta' dawk li xogħolhom jinvolvi kuntatt regolari mat-tfal li jirrappurtaw sitwazzjonijiet fejn dawn ikollhom biżżejjed raġunijiet biex jissuspettaw abbuż;

it-titjib tal-identifkazzjoni ta' tfal abbużati permezz tat-taħriġ tal-istaff li jkollu kuntatt kontinwu magħhom u permezz tat-taħriġ tal-persunal tal-infurzar tal-liġi li jista' jiġi f'kuntatt ma' tfal abbużati;

l-iżgurar tal-aqwa protezzjoni tat-tfal fi proċeduri ġudizzjarji kif ukoll matul l-investigazzjonijiet, sabiex tiġi evitata trawma billi jiġu previsti ċerti arranġamenti dwar il-mod ta' kif tinġabar evidenza minn tfal vittmi;

il-projbizzjoni ta' riklamar li jħeġġeġ it-twettiq ta' reati stabbiliti skont id-Deċiżjoni Qafas;

il-kriminalizzazzjoni tal-instigar, l-għajnuna, l-assistenza u l-ippruvar tar-reati kollha stabbili bi qbil mad-Deċiżjoni ta' Qafas;

it-tħeġġiġ tal-Istati Membri biex jieħdu kull miżura meħtieġa biex jevitaw id-diskriminazzjoni kontra l-vittmi tal-abbuż tat-tfal u l-istigmatizzazzjoni tagħhom,

it-twessigħ tal-elenku taċ-ċirkustanzi aggravanti li jiddeterminaw is-sanzjonijiet fir-rigward ta' reati stabbilit fi ħdan id-Deċiżjoni ta' Qafas permezz ta' lista taċ-ċirkustanzi aggravanti kif stabbilit mill-Artikolu 28 ta' Konvenzjoni CoE;

li l-isfruttament tal-pożizzjoni superjuri ta' persuna li twettaq reat (fil-familja, fl-edukazzjoni, f'relazzjonijiet professjonali, eċċ.) jiġi stabbilit bħala ċirkustanza aggravanti;

k)

iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha sabiex joħolqu s-Sistema ta' Notifika għal Tfal Nieqsa sabiex titjieb il-kooperazzjoni fil-livell Ewropew;

l)

li jinħoloq, flimkien mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, programm ta' azzjoni li jkun immirat biex it-tfal li jiġu identifikati bħala abbużati sesswalment fi stampi pornografiċi jingħataw il-protezzjoni u l-appoġġ xierqa;

*

* *

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, u għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.


(1)  ĠU L 13, 20.1.2004, p. 44.

(2)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0012.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/42


It-twaqqif mill-ġdid tax-xandir bit-televiżjoni NTDTV fiċ-Ċina permezz tal-Eutelsat

P6_TA(2009)0041

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-twaqqif mill-ġdid tax-xandir bit-televiżjoni NTDTV fiċ-Ċina permezz tal-Eutelsat

(2010/C 67 E/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iffirmata u pproklamata fis-7 ta' Diċembru 2000, li tiddefendi l-libertà u l-pluraliżmu tal-mezzi ta' komunikazzjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 116 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Unjoni Ewropea għandha l-bażi tagħha u hija ddefinita madwar il-konformità tagħha għall-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt,

B.

billi l-libertà tal-espressjoni, partikolarment dik tal-mezzi ta' komunikazzjoni, inkluż l-Internett, hi ristretta sew fiċ-Ċina,

C.

billi l-NTDTV hu operatur tax-xandir bit-televiżjoni li ma jagħmilx profit u hu l-uniku stazzjoni tat-televiżjoni biċ-Ċiniż u indipendenti li ilu jxandar fiċ-Ċina sa mill-2004,

D.

billi l-Eutelsat waqqfet ix-xandir tal-NTDTV fiċ-Ċina fis-16 ta' Ġunju 2008, ftit ġimgħat qabel il-Logħob Olimpiku, u tat raġunijiet tekniċi mingħajr ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni oħra,

1.

Iħeġġeġ lill-Eutelsat biex terġa' tibda t-trażmissjoni NTDTV fiċ-Ċina mingħajr dewmien u biex tagħti raġunijiet għall-interruzzjoni tiegħu;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex jerġa' jibda x-xandir NTDTV fiċ-Ċina u jappoġġjaw aċċess għal informazzjoni mingħajr ċensura għal miljuni ta' ċittadini Ċiniżi;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri:

Lista ta' firmatarji

Vittorio Agnoletto, Vincenzo Aita, Gabriele Albertini, Jim Allister, Alexander Alvaro, Jan Andersson, Georgs Andrejevs, Laima Liucija Andrikienė, Emmanouil Angelakas, Roberta Angelilli, Rapisardo Antinucci, Elspeth Attwooll, Marie-Hélène Aubert, Jean-Pierre Audy, Margrete Auken, Liam Aylward, Pilar Ayuso, Maria Badia i Cutchet, Mariela Velichkova Baeva, Paolo Bartolozzi, Domenico Antonio Basile, Alessandro Battilocchio, Katerina Batzeli, Edit Bauer, Jean Marie Beaupuy, Christopher Beazley, Zsolt László Becsey, Glenn Bedingfield, Angelika Beer, Bastiaan Belder, Ivo Belet, Irena Belohorská, Jean-Luc Bennahmias, Giovanni Berlinguer, Thijs Berman, Johannes Blokland, Godfrey Bloom, Sebastian Valentin Bodu, Herbert Bösch, Guy Bono, Mario Borghezio, Erminio Enzo Boso, Costas Botopoulos, Catherine Boursier, John Bowis, Sharon Bowles, Iles Braghetto, Mihael Brejc, Frieda Brepoels, Hiltrud Breyer, Kathalijne Maria Buitenweg, Nicodim Bulzesc, Colm Burke, Philip Bushill-Matthews, Simon Busuttil, Jerzy Buzek, Maddalena Calia, Martin Callanan, Mogens Camre, Luis Manuel Capoulas Santos, Marco Cappato, Marie-Arlette Carlotti, Giorgio Carollo, David Casa, Paulo Casaca, Pilar del Castillo Vera, Jean-Marie Cavada, Călin Cătălin Chiriță, Zdzisław Kazimierz Chmielewski, Ole Christensen, Philip Claeys, Luigi Cocilovo, Carlos Coelho, Richard Corbett, Dorette Corbey, Thierry Cornillet, Michael Cramer, Jan Cremers, Gabriela Crețu, Brian Crowley, Magor Imre Csibi, Marek Aleksander Czarnecki, Ryszard Czarnecki, Dragoș Florin David, Chris Davies, Antonio De Blasio, Arūnas Degutis, Jean-Luc Dehaene, Panayiotis Demetriou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, Marielle De Sarnez, Marie-Hélène Descamps, Albert Deß, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Jolanta Dičkutė, Gintaras Didžiokas, Koenraad Dillen, Giorgos Dimitrakopoulos, Beniamino Donnici, Bert Doorn, Den Dover, Mojca Drčar Murko, Petr Duchoň, Bárbara Dührkop Dührkop, Andrew Duff, Árpád Duka-Zólyomi, Christian Ehler, Lena Ek, Saïd El Khadraoui, James Elles, Maria da Assunção Esteves, Harald Ettl, Jill Evans, Robert Evans, Göran Färm, Hynek Fajmon, Richard Falbr, Carlo Fatuzzo, Markus Ferber, Emanuel Jardim Fernandes, Francesco Ferrari, Anne Ferreira, Elisa Ferreira, Petru Filip, Roberto Fiore, Hélène Flautre, Karl-Heinz Florenz, Alessandro Foglietta, Hanna Foltyn-Kubicka, Brigitte Fouré, Carmen Fraga Estévez, Juan Fraile Cantón, Monica Frassoni, Duarte Freitas, Ingo Friedrich, Daniel Petru Funeriu, Urszula Gacek, Milan Gaľa, Gerardo Galeote, José Manuel García-Margallo y Marfil, Iratxe García Pérez, Elisabetta Gardini, Giuseppe Gargani, Salvador Garriga Polledo, Jas Gawronski, Eugenijus Gentvilas, Georgios Georgiou, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Claire Gibault, Lutz Goepel, Bruno Gollnisch, Ana Maria Gomes, Donata Gottardi, Genowefa Grabowska, Vasco Graça Moura, Luis de Grandes Pascual, Nathalie Griesbeck, Lissy Gröner, Elly de Groen-Kouwenhoven, Mathieu Grosch, Françoise Grossetête, Ignasi Guardans Cambó, Umberto Guidoni, Cristina Gutiérrez-Cortines, Fiona Hall, David Hammerstein, Małgorzata Handzlik, Malcolm Harbour, Satu Hassi, Christopher Heaton-Harris, Anna Hedh, Roger Helmer, Erna Hennicot-Schoepges, Jeanine Hennis-Plasschaert, Esther Herranz García, Luis Herrero-Tejedor, Jim Higgins, Jens Holm, Mary Honeyball, Milan Horáček, Ján Hudacký, Ian Hudghton, Stephen Hughes, Alain Hutchinson, Jana Hybášková, Sophia in 't Veld, Mikel Irujo Amezaga, Marie Anne Isler Béguin, Ville Itälä, Carlos José Iturgaiz Angulo, Caroline Jackson, Lily Jacobs, Anneli Jäätteenmäki, Stanisław Jałowiecki, Mieczysław Edmund Janowski, Lívia Járóka, Georg Jarzembowski, Elisabeth Jeggle, Rumiana Jeleva, Anne E. Jensen, Pierre Jonckheer, Romana Jordan Cizelj, Madeleine Jouye de Grandmaison, Aurelio Juri, Jelko Kacin, Filip Kaczmarek, Gisela Kallenbach, Syed Kamall, Othmar Karas, Piia-Noora Kauppi, Metin Kazak, Tunne Kelam, Glenys Kinnock, Wolf Klinz, Dieter-Lebrecht Koch, Silvana Koch-Mehrin, Eija-Riitta Korhola, Miloš Koterec, Sergej Kozlík, Guntars Krasts, Rodi Kratsa-Tsagaropoulou, Ģirts Valdis Kristovskis, Urszula Krupa, Wiesław Stefan Kuc, Helmut Kuhne, Sepp Kusstatscher, Zbigniew Krzysztof Kuźmiuk, Joost Lagendijk, André Laignel, Jean Lambert, Alexander Graf Lambsdorff, Vytautas Landsbergis, Carl Lang, Esther De Lange, Raymond Langendries, Anne Laperrouze, Kurt Joachim Lauk, Vincenzo Lavarra, Henrik Lax, Johannes Lebech, Bernard Lehideux, Klaus-Heiner Lehne, Lasse Lehtinen, Jörg Leichtfried, Jo Leinen, Jean-Marie Le Pen, Marine Le Pen, Fernand Le Rachinel, Katalin Lévai, Janusz Lewandowski, Marcin Libicki, Marie-Noëlle Lienemann, Peter Liese, Kartika Tamara Liotard, Alain Lipietz, Pia Elda Locatelli, Eleonora Lo Curto, Antonio López-Istúriz White, Andrea Losco, Patrick Louis, Caroline Lucas, Astrid Lulling, Florencio Luque Aguilar, Elizabeth Lynne, Marusya Ivanova Lyubcheva, Jules Maaten, Linda McAvan, Arlene McCarthy, Mary Lou McDonald, Mairead McGuinness, Edward McMillan-Scott, Eugenijus Maldeikis, Ramona Nicole Mănescu, Vladimír Maňka, Erika Mann, Thomas Mann, Marian-Jean Marinescu, Catiuscia Marini, Sérgio Marques, David Martin, Hans-Peter Martin, Jan Tadeusz Masiel, Véronique Mathieu, Marios Matsakis, Maria Matsouka, Jaime Mayor Oreja, Erik Meijer, Íñigo Méndez de Vigo, Rosa Miguélez Ramos, Marianne Mikko, Francisco José Millán Mon, Gay Mitchell, Claude Moraes, Eluned Morgan, Luisa Morgantini, Philippe Morillon, Roberto Musacchio, Cristiana Muscardini, Sebastiano (Nello) Musumeci, Riitta Myller, Pasqualina Napoletano, Juan Andrés Naranjo Escobar, Michael Henry Nattrass, Catherine Neris, Bill Newton Dunn, Annemie Neyts-Uyttebroeck, James Nicholson, null Nicholson of Winterbourne, Rareș-Lucian Niculescu, Angelika Niebler, Lambert van Nistelrooij, Ljudmila Novak, Cem Özdemir, Péter Olajos, Jan Olbrycht, Seán Ó Neachtain, Gérard Onesta, Janusz Onyszkiewicz, Dumitru Oprea, Josu Ortuondo Larrea, Miroslav Ouzký, Siiri Oviir, Reino Paasilinna, Justas Vincas Paleckis, Marie Panayotopoulos-Cassiotou, Marco Pannella, Pier Antonio Panzeri, Georgios Papastamkos, Neil Parish, Alojz Peterle, Maria Petre, Markus Pieper, Sirpa Pietikäinen, Józef Pinior, Mirosław Mariusz Piotrowski, Umberto Pirilli, Paweł Bartłomiej Piskorski, Gianni Pittella, Francisca Pleguezuelos Aguilar, Zita Pleštinská, Anni Podimata, Zdzisław Zbigniew Podkański, Bernard Poignant, José Javier Pomés Ruiz, Nicolae Vlad Popa, Miguel Portas, Horst Posdorf, Bernd Posselt, Christa Prets, Pierre Pribetich, Jacek Protasiewicz, John Purvis, Luís Queiró, Karin Resetarits, Herbert Reul, José Ribeiro e Castro, Frédérique Ries, Karin Riis-Jørgensen, Giovanni Rivera, Maria Robsahm, Ulrike Rodust, Bogusław Rogalski, Zuzana Roithová, Luca Romagnoli, Raül Romeva i Rueda, Dariusz Rosati, Wojciech Roszkowski, Dagmar Roth-Behrendt, Paul Rübig, Leopold Józef Rutowicz, Eoin Ryan, Guido Sacconi, Aloyzas Sakalas, Katrin Saks, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Antolín Sánchez Presedo, Manuel António dos Santos, Salvador Domingo Sanz Palacio, Jacek Saryusz-Wolski, Toomas Savi, Lydia Schenardi, Agnes Schierhuber, Carl Schlyter, Frithjof Schmidt, Olle Schmidt, Pál Schmitt, György Schöpflin, Inger Segelström, Czesław Adam Siekierski, Eva-Riitta Siitonen, José Albino Silva Peneda, Kathy Sinnott, Marek Siwiec, Peter Skinner, Alyn Smith, Csaba Sógor, Renate Sommer, Søren Bo Søndergaard, Bogusław Sonik, María Sornosa Martínez, Jean Spautz, Francesco Enrico Speroni, Bart Staes, Grażyna Staniszewska, Peter Šťastný, Gabriele Stauner, Petya Stavreva, Dirk Sterckx, Catherine Stihler, Margie Sudre, David Sumberg, Gianluca Susta, Eva-Britt Svensson, Hannes Swoboda, István Szent-Iványi, Konrad Szymański, Hannu Takkula, Charles Tannock, Andres Tarand, Salvatore Tatarella, Britta Thomsen, Marianne Thyssen, Gary Titley, Patrizia Toia, László Tőkés, Ewa Tomaszewska, Witold Tomczak, Antonios Trakatellis, Helga Trüpel, Claude Turmes, Evangelia Tzampazi, Thomas Ulmer, Vladimir Urutchev, Inese Vaidere, Nikolaos Vakalis, Adina-Ioana Vălean, Frank Vanhecke, Johan Van Hecke, Anne Van Lancker, Daniel Varela Suanzes-Carpegna, Ioannis Varvitsiotis, Ari Vatanen, Yannick Vaugrenard, Armando Veneto, Riccardo Ventre, Donato Tommaso Veraldi, Marcello Vernola, Alejo Vidal-Quadras, Cornelis Visser, Oldřich Vlasák, Dominique Vlasto, Graham Watson, Henri Weber, Manfred Weber, Renate Weber, Anja Weisgerber, Åsa Westlund, John Whittaker, Andrzej Wielowieyski, Jan Marinus Wiersma, Anders Wijkman, Glenis Willmott, Iuliu Winkler, Lars Wohlin, Janusz Wojciechowski, Corien Wortmann-Kool, Jan Zahradil, Zbigniew Zaleski, Andrzej Tomasz Zapałowski, Stefano Zappalà, Tatjana Ždanoka, Dushana Zdravkova, Vladimír Železný, Roberts Zīle, Jaroslav Zvěřina, Tadeusz Zwiefka


L-Erbgħa, 4 ta' Frar 2009

18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/44


L-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima

P6_TA(2009)0042

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2009 dwar “l-2050: Il-Ġejjieni jibda llum – Rakkomandazzjonijiet għal politika tal-UE integrata fil-ġejjieni dwar il-bidla fil-Klima” (2008/2105(INI))

(2010/C 67 E/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar it-twaqqif ta' kumitat temporanju dwar il-bidla fil-klima adottata skond l-Artikolu 175 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu (1),

wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE li tat kontribuzzjonijiet pożittivi għall-klima fid-diversi oqsma tal-politika (Anness A) kif ukoll wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-bidla fil-klima, b'mod partikulari dawk adottati waqt is-sitt perjodu ta' leġiżlatura kurrenti (Anness B),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar il-limitar tal-bidla dinjija fil-klima għal 2 gradi Celsius - il-pass il-quddiem għall-Konferenza ta' Bali dwar il-Bidla fil-Klima u lilhinn (COP 13 u COP/MOP 3) (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-31 ta' Jannar 2008 dwar ir-riżultat tal-Konferenza ta' Bali dwar il-Bidla fil-Klima (COP 13 u COP/MOP 3) (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni: “Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa – alternattivi għall-azzjoni ta' l-UE” (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-fatti xjentifiċi tal-bidla fil-klima: sejbiet u rakkomandazzjonijiet għal teħid tad-deċiżjonijiet (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar il-bini ta' Alleanza Globali dwar it-tibdil fil-klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima (6),

wara li kkunsidra l-erbatax-il Konferenza tal-Partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) (COP 14) u r-raba' Konferenza tal-Partijiet kontraenti bħala laqgħa tal-partijiet kontraenti għall-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP 4) mill-1 sat-12 ta' Diċembru 2008 f'Poznań (il-Polonja),

wara li kkunsidra l-Agora taċ-Ċittadini dwar il-Bidla fil-Klima tat-12 u t-13 ta' Ġunju 2008,

wara li kkunsidra l-Laqgħa Parlamentari Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-parlamenti nazzjonali tal-20 u l-21 ta' Novembru 2008 biex ikunu diskussi l-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli,

wara li kkunsidra r-riżultati tal-Istħarriġ Nru 300 tal-Ewrobarometru Speċjali dwar l-attitudni tal-Ewropej lejn il-bidla fil-klima,

wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku u l-iskambju ta' opinjonijiet tal-kumitat temporanju dwar il-bidla fil-klima b'nies ta' kariga għolja u r-riżultati taż-żjarat ta' delegazzjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Temporanju dwar il-Bidla fil-Klima (A6-0495/2008),

Ideat politiċi ta' gwida

A.

billi l-konservazzjoni tan-natura u tal-umanità hija dmir li jimxi minn ġenerazzjoni għall-oħra,

B.

billi t-tisħin globali u l-bidla fil-klima huwa rikonoxxut bħala theddida serja ħafna, urġenti u artifiċjali,

C.

billi b'mod speċjali fis-sitt-perjodu leġiżlattiv kurrenti, ix-xogħol miksub mill-Parlament Ewropew dwar il-bidla fil-klima huwa sors ta' ispirazzjoni u jirrappreżenta mandat ta' azzjoni għall-formulazzjoni ta' politika integrata Ewropea għall-bidla fil-klima u biex jirrikonċilja l-bidla fil-klima ma' tkabbir ekonomiku sostenibbli,

D.

billi t-Trattat ta' Liżbona jistipula b'mod espliċitu, l-għanijiet u l-kompetenzi tal-Unjoni fil-qasam tal-bidla fil-klima u, jekk jiġi rratifikat, se jsaħħaħ l-irwol tal-Unjoni Ewropea fil-promozzjoni ta' żvilupp sostenibbli u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima,

E.

billi r-rwol prinċipali tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-ġlieda internazzjonali kontra t-tisħin globali u b'mod partikulari r-responsabilità tagħha bħala unjoni ta' pajjiżi żviluppati jagħti sens ta' identita tagħha, u jimplika obbligu fir-rigward taċ-ċittadini Ewropej, mhux biss biex jifformulaw l-għan ta' ħarsien ambjentali fuq żmien medju u żmien twil, iżda biex dawn l-objettivi jintlaħqu permezz ta' miżuri politiċi li jħarsu 'l quddiem, kif ukoll permezz ta' djalogu politiku ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw,

F.

billi objettiv ewlieni tal-Unjoni Ewropea rigward kemm il-politika interna tagħha kif ukoll ir-relazzjonijiet esterni tagħha huwa l-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u billi b'mod partikulari, l-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi d-drittijiet għal ħajja, sigurtà, saħħa, edukazzjoni u protezzjoni ambjentali huma fundamentali, kif ukoll il-ħarsien ta' persuni partikularment vulnerabbli għall-effetti tal-bidla fil-klima, inklużi n-nisa, it-tfal, l-anzjani u persuni b'diżabilitajiet,

G.

billi r-rappreżentanti parlamentari taċ-ċittadini Ewropej, mhux biss fil-mument iżda wkoll fil-ġejjieni, għandhom ikunu ggwidati b'dawn il-prinċipji dwar il-politika tal-klima u bil-prinċipji ta' sostenibilità, responsabilità soċjali u ekwità bejn il-ġenerazzjonijiet, u m'għandhomx jieqfu milli jpoġġu fil-prattika l-objettivi globali neċessarji dwar il-klima,

H.

billi s-soċjetà umana qiegħda taffronta sfida doppja f'termini ta' theddid għas-sistema tad-dinja li tappoġġja l-ħajja, jiġifieri l-bidla fil-klima u l-isfruttament u l-qerda ta' bosta mill-ekosistemi l-iktar importanti; billi hemm ħafna interkonnessjonijiet bejn is-sistema tal-klima u l-ekosistemi – b'mod partikolari l-kapaċità ta' qbid tal-karbonju ta' oċeani u ekosistemi terrestri – u billi l-bidla fil-klima tista' tiġi indirizzata b'mod effettiv fi ħdan il-kuntest ta' ekosistemi sani biss,

I.

billi l-bidla fil-klima għandha impatt partikularment ta' ħsara u ta' spejjeż f'xi zoni, bħal zoni ta' altitudni għolja u zoni kostali,

J.

billi l-impatt tal-bidla fil-klima fuq soċjetajiet umani diġà qed jinħass f'bosta postijiet, bħas-Sahel, fejn il-firxa tad-deżert qed ikollha effett maġġuri, il-Bangladexx, li huwa suġġett għal għarar ripetut, ċerti partijiet tal-Ewropa, u bosta gżejjer fil-Paċifiku li huma destinati li jisparixxu taħt l-ilma,

K.

billi l-bidla fil-klima hija sfida li għaliha ma teżistix soluzzjoni politika waħda, iżda billi l-kombinazzjoni ta' l-opportunitajiet eżistenti u żieda qawwija fl-effiċjenza fl-oqsma kollha tal-ekonomija u s-soċjetà jistgħu jagħtu kontribut għas-soluzzjoni tal-problema ta' riżorsi u d-distribuzzjoni u jwittu t-triq għat-tielet rivoluzzjoni industrijali,

L.

billi miżuri urġenti huma meħtieġa biex ikunu indirizzati l-enerġija u l-faqar tal-fjuwil,

M.

billi skond id-data għall-2006 li pprovdiet l-Aġenzija Ewropea ta' l-Ambjent, il-produzzjoni ta' l-enerġija hija responsabbli għal 30,9% tal-emissjoni totali tal-gassijiet b'effett ta' serra fi ħdan l-UE, it-trasport għal 19,4%, id-djar privati u s-servizzi għal 14,6%, xogħlijiet tal-bini u l-produzzjoni industrijali għal 12,9%, il-biedja għal 9,2%, il-proċessi industrijali għal 8,1% u s-settur tal-iskart għal 2,9%, filwaqt li l-bqija ta' l-emissjonijiet huma kkawżati minn soluzzjonijiet kimiċi u proċessi ta' kombustjoni mhux speċifikati,

N.

billi bosta setturi diġà qed jagħtu kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u bosta opportunitajiet u teknoloġiji li jtejbu l-effiċjenza u li jtaffu l-bidla fil-klima mingħajr ħafna spejjeż diġà huma disponibbli, għalkemm l-applikazzjoni komprensiva tagħhom qed tiġi mblukkata minn ostakli għall-aċċess fis-suq, mill-ixkiel burokratiku u mill-ispejjeż għolja ta' ffinanzjar,

O.

billi miżuri mmirati lejn tnaqqis ta' gass bl-effett serra fil-produzzjoni, użu ta' art u mmaniġġjar ta' skart huma ta' l-ogħla prijorità, billi, madankollu, mhux se jkun possibbli li l-bidla fil-klima tintrebaħ biss bi tnaqqis fi tniġġis f'kull settur individwali; billi, minflok, approċċ sistematiku għall-problema se jkun meħtieġ biex jintlaħqu soluzzjonijiet politiċi bejn is-setturi u biex jintlaħqu tibdiliet għal produzzjoni, il-konsum, l-istil tal-ħajja u tendenzi ta' kummerċ fis-soċjetà b'leġiżlazzjoni koerenti u adattament għal bidla mhux evitata,

Id-dimensjoni internazzjonali: wara l-2012, il-politika esterna dwar il-klima u l-kummerċ internazzjonali

P.

billi n-negozjati għal ftehim ta' wara l-2012 qed isiru taħt it-tmexxija tan-NU skond il- Bali roadmap fl-oqsma ewlenin li ġejjin: tnaqqis ta' l-emissjonijiet u miri ġodda obbligatorji għat-tnaqqis, miżuri ta' adattament, tneħħija ta' siġar u distruzzjoni tal-foresti, żvilupp ta' tekonoloġiji għal miżuri ta' tnaqqis u adattament, ir-riżorsi finanzjarji neċessarji, u finalment ir-reviżjoni tal-mekkaniżmi flessibbli skont il-Ftehimiet ta' Marrakesh dwar il-Protokoll ta' Kyoto,

Q.

billi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) għandhom ikunu involuti b'mod qawwi fl-isforz ta' mitigazzjoni,

R.

billi n-negozjati dwar ftehim ta' wara l-2012 għandhom jiġu konklużi fil-Konferenza ta' Copenhagen dwar il-klima (COP 15) fl-aħħar ta' l-2009 sabiex jiġi evitat distakk bejn l-ewwel u t-tieni perjodu ta' impenn,

S.

billi l-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2008 enfasizza l-bżonn li n-negozjati dwar il-Bali roadmap jiġu mgħaġġla bil-ħsieb li jiġi adottat ftehim ġdid dwar il-bidla fil-klima b'konformità mal-objettiv ta' l-UE taż-2°C sal-2009,

T.

billi l-bidla fil-klima tista' tkompli tkabbar il-potenzjal ta' konflitt fir-relazzjonijiet internazzjonali, pereżempju permezz ta' emigrazzjoni kkawżata mill-klima, telf ta' art u argumenti dwar il-fruntieri li jiġu kkawżati minħabba għargħar u meta l-linja tal-kosta tersaq 'il ġewwa, kif ukoll konflitti dwar riżorsi meta art li tista' tinħadem tibda tinxtorob jew meta n-nixfa mill-ilma tinfirex,

U.

billi l-Kunsill Ewropew ta' Marzu talab lill-Kummissjoni sabiex tfassal strateġija Ewropea għall-iffinanzjar ta' miżuri biex tiġi missielta l-bidla fil-klima, immirata għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-adattament marbutin mar-riċerka ta' teknoloġiji b'użu baxx ta' karbonju (low carbon technoloġies) u l-iżvilupp tagħhom kif ukoll it-trasferiment ta' dawn it-teknoloġiji, billi l-iżvilupp u t-trasferiment ta' teknoloġija ambjentali moderna hija rekwiżit essenzjali għas-suċċess ta' l-implimentazzjoni ta' strateġiji globali ta' tnaqqis u adattament tal-emissjonijiet,

V.

billi kemm l-isforzi għall-mitigazzjoni kif ukoll dawk għall-adattament huma ta' importanza kruċjali; billi l-pajjiżi industrijalizzati għandhom responsabiltà storika għall-bidla fil-klima; billi l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ftit ikkontribwixxew għall-bidla fil-klima iżda madankollu huma l-iktar milquta minnha; billi l-fondi disponibbli għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw huma insuffiċjenti u għandhom jiżdiedu sostanzjalment kif inhu xieraq,

W.

billi t-trasferiment tat-teknoloġija qed jiġi mxekkel bit-tħassib dwar il-proprjetà intellettwali, mill-istituzzjonijiet politiċi dgħajfa u mill-assenza tal-istat tad-dritt, kif ukoll min-nuqqas ġenerali ta' kapital,

X.

billi id-WTO ma tirrappreżentax forum ta' negozjati alternattiv għall-azzjoni internazzjonali għall-ħarsien tal-klima, u billi mingħajr suċċess fil-konklużjoni tan-negozjati ta' wara l-2012 il-kummerċ dinji ma jkunx mistenni li jikkumbatti l-bidla fil-klima,

Y.

billi l-impatt tal-karbonju tal-UE jinkludi gassijiet bl-effett serra li jniġġsu waqt il-produzzjoni ta' prodotti kkunsmati fl-Ewropa iżda prodotti x'imkien ieħor,

Enerġija

Z.

billi ż-żejt huwa s-sors ta' enerġija l-aktar importanti madwar id-dinja, responsabbli għal madwar 35% tal-konsum ta' l-enerġija primarja, segwit mill-faħam b'25% u l-gass naturali b'21%; billi, madanakollu, iż-żmien ta' l-enerġija fossili rħisa u abbondanti qed jiġi fi tmiemu,

AA.

billi skont id-data tal-Eurostat, fl-2006, 33,5% tal-importazzjoni taż-żejt tal-UE ġew mir-Russja, 15.8% min-Norveġja u 27% mill-pajjiżi Għarab u billi 42% tal-importazzjonijiet tal-gass tal-UE ġew mir-Russja, 24,2% min-Norveġja u 25,9% mill-pajjiżi Għarab,

AB.

billi l-Aġenzija Ewropea tal-Enerġija qed tipprevedi żieda ta' mill-inqas 60% fil-ħtiġijiet dinjin tal-enerġija sal-2030, li parti minnu se jkunu responsabbli għalih il-pajjiżi emerġenti,

AC.

billi l-iżviluppi fis-swieq tal-enerġija jgħin fil-għan tal-objettivi klimatiċi, peress li żidiet spinti mis-suq tal-prezzijiet tal-enerġija jiffurmaw inċentivi importanti għal użu sostenibbli ta' riżorsi u b'hekk konsum ta' “-footprint tal-karbonju” baxx,

AD.

billi fuq terminu ta' żmien medju sa żmien twil il-bżonn dejjem jiżdied ta' l-enerġija assolutament ma jistax ikun kopert biss mill-fjuwils fossili, u billi d-deċiżjonijiet dwar l-investment fis-snin li ġejjin se jiddeterminaw l-istruttura tas-sistema ta' l-enerġija u l-kompożizzjoni tat-taħlita ta' l-enerġija għall-għexieren ta' snin li ġejjin,

AE.

billi l-bżonn ta' enerġija dejjem jiżdied jeħtieġ numru ta' miżuri kumplimentari, bħall-modernizzazzjoni meħtieġa b'mod urġenti tal-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-fjuwils fossili li jeżistu bil-ħsieb ta' titjib enormi fl-effiċjenza, il-bini ta' impjanti tal-enerġija ġodda u l-espansjoni kostanti ta' sorsi tal-enerġija li jiġġeddu,

AF.

billi frankar ta' enerġija huwa fuq perjodu ta' żmien fit-tul l-aktar effettiv meta mqabbel man-nefqa u l-aktar mod nadif ta' frankar ta' riżorsi u b'hekk jissielet il-bidla fil-klima, u billi sforzi mwettqa u msaħħa biex isaħħu l-effiċjenza ta' enerġija tal-UE se jwasslu għal soluzzjonijiet strutturali wiesgħa fl-ekonomija, b'hekk iwasslu għal ekonomija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent bi tniġġis ta' karbonju baxx,

AG.

billi l-użu tal-enerġija nukleari – irrispettivament mid-disponibilità ta' l-uranju – xorta jqajjem il-kwistjoni tal-ħżin aħħari tal-iskart nukleari, li għadha ma' ġietx solvuta, u d-distribuzzjoni tat-teknoloġija lejn stati fejn m'hemmx demokrazija,

AH.

billi l-proġett tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali sar ċentru ta' żvilupp ta' kapital qawwi għal fużjoni nukleari bħala sors ġdid ta' enerġija possibbli għall-futur, u billi kull kontribuzzjoni għas-suq tal-enerġija jista' jkun mistenni biss fil-perjodu ta' żmien fit-tul ħafna,

Bijofjuwils

AI.

billi l-politika attwali tal-bijofjuwils trid tkun viżibbli f'perspettiva globali, fejn min-naħa hemm kompetizzjoni tikber għal art produttiva u min-naħa l-oħra hemm ħtieġa tiżdied għal enerġija li terġa' tiġġedded, b'mod partikulari fis-settur tat-trasport,

AJ.

billi l-produzzjoni tal-bijomassa toffri lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw opportunitajiet ekonomiċi ġodda għall-produzzjoni tal-enerġija u bħala fjuwil, u tirrendihom anqas dipendenti mill-importazzjoni tal-enerġija, dejjem jekk din il-produzzjoni tkun sostenibbli u ma twassalx pereżempju, għal monokulturi jew għal kompetizzjoni rigward il-produzzjoni tal-ikel,

AK.

billi l-potenzjal ta' tnaqqis fl-emissjonijiet ta' bosta bijfjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni meta mqabba ma' fjuwils konvenzjonali ġie rivedut b'valur aktar baxx, f'ċerti każi b'mod sostanzjali, wara analiżi komprensiva taċ-ċiklu tal-ħajja, u kwistjonijiet ta' sostenibilità, impatt ambjentali u disponibilità ta' art tal-biedja f'kompetizzjoni mal-produzzjoni ta' l-ikel għadhom ma ġewx solvuti b'mod soddisfaċenti,

AL.

billi politika tal-bijofjuwils sostenibbli għandha tkun orjentata mhux biss biex jiġu determinati kriterji ta' sostenibilità għall-produzzjoni ta' bijofjuwils tal-ewwel ġenerazzjoni iżda wkoll għall-iżvilupp ta' bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni ħielsa mill-ideoloġiji,

AM.

billi l-industrija taż-żejt se tibni l-infrastruttura komprensiva neċessarja għall-fjuwils ġodda biss meta jkun hemm domanda suffiċjenti għall-bijofjuwils, iżda billi l-industrija tal-karozzi għamlet avvanzi teknoloġiċi li tippermetti li kwalunkwe taħlita ta' petrol u bijofjuwils tiġi identifikata b'sensor fil-vettura, tagħmir li jippermetti anki lill-vetturi eqdem jaħdmu bil-bijofjwuil, biex b'hekk jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2 fit-tipi kollha ta' vetturi eżistenti,

AN.

billi l-potenzjal tal-bijofjuwils jista' jitwettaq biss jekk ikunu stabbiliti bħala komponent fl-iżvilupp ta' sistemi ta' trasport sostenibbli, inkluż l-iżvilupp u l-użu ta' vetturi effiċjenti ħafna fil-fjuwil,

Effiċjenza fl-Enerġija

AO.

billi bosta Stati Membri m'għandhomx strateġija ċara għal effiċjenza fl-enerġija,

AP.

billi l-Istati Membri għandhom itejbu u jespandu l-użu ta' ċertifikati ta' effiċjenza fl-enerġija, u jgħaqqdu r-rakkomandazzjonijiet ma' inċentivi finanzjarji,

AQ.

billi konsum ta' enerġija li jonqos flimkien ma' effiċjenza fl-enerġija f'livell individwali jew tal-komunità joħloq impjiegi u kummerċ ġodda u jiġġieled il-faqar tal-enerġija,

AR.

billi s-settur tal-kostruzzjoni huwa responsabbli għal 40% tal-konsum finali ta' l-enerġija, u 33% ta' l-emisjonijiet ta' gass b'effett ta' serra huma ġenerati mill-ambjent mibni,

AS.

billi s-settur tal-kostruzzjoni (bini residenzjali, kummerċjali u bini pubbliku) għandu potenzjal kbir ħafna li jitnaqqas is-CO2 bi spejjeż raġjonevoli bil-modernizzazzjoni tal-insulazzjoni termali u sistemi ta' tisħin u tkessiħ, tagħmir elettroniku u sistemi ta' ventilazzjoni,

AT.

billi djar b'konsum baxx ta' enerġija huma attraenti, ta' tendenza u mhux ta' spiża għolja,

AU.

billi l-iskonnessjoni ta' tkabbir fil-konsum tal-enerġija mit-tkabbir ekonomiku bl-investiment fl-effiċjenza tal-enerġija fis-setturi kollha hija objettiv ewlieni tal-UE,

AV.

billi hemm bżonn ta' żvilupp tal-istrumenti finanzjarji, ta' allokazzjoni tar-riżorsi baġitarji meħtieġa għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u ta' reviżjoni u aġġustament kostanti tal-istandards ta' effiċjenza għat-tagħmir elettriku u elettroniku b'konformità mal-iżviluppi fis-suq, kif ukoll ta' estensjoni tal-istandards biex ikopru tagħmir kbir industrijali u biex tiġi kkunsidrata li jsir obbligatorju għat-tagħmir li jkollu funzjoni li tippermetti li jintefa,

Mobiltà u loġistika

AW.

billi s-separazzjoni tat-tkabbir fit-trasport mit-tkabbir fl-ekonomija b'mod ġenerali hija oġġettiv ewlieni tal-politika tat-trasport ta' l-UE, u billi d-domanda għas-servizzi tat-trasport madankollu issuperat it-tkabbir tal-GDP u s-sehem diġà għoli tat-trasport mill-emissjonijiet ta' gass tal-UE b'effett ta' serra għalhekk qed ikompli jikber,

AX.

billi t-trasport attwalment huwa responsabbli għal madwar terz tal-konsum finali tal-enerġija fl-UE u s-settur tat-trasport huwa kważi kompletament dipendenti (97%) fuq fjuwils ibbażati fuq iż-żejt (il-petrol u d-diżil),

AY.

billi l-emissjoni tal-gass tal-UE b'effett ta' serra mill-1990 sa l-2005 kienu jinżlu b'14% minflok b'7.9% kieku s-settur tat-trasport laħaq l-istess rati ta' tnaqqis bħal f'setturi oħra,

AZ.

billi 80% tal-popolazzjoni ta' l-Ewropa jgħixu f'żoni urbani, fejn jiġu prodotti 40% tal-emissjonijiet kollha ġejjin mit-trasport, filwaqt li l-konġestjoni tat-trasport, li ukoll hija kkonċentrata f'żoni urbani, tiswa lill-UE madwar 1% tal-GDP tagħha,

BA.

billi minn naħa waħda l-mobilità urbana hija direttament marbuta mal-kwalità individwali tal-ħajja, filwaqt li min-naħa l-oħra huwa t-trasport individwali fil-bliet li jikkontribwixxi sostanzjalment għall-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u problemi ambjentali oħra bħat-tniġġis tal-arja u l-ħsejjes, sabiex minflok ma titjieb il-kwalità tal-ħajja għal bosta ċittadini s-saħħa tiġi effettwata kunsisderevolment b'mod ħażin,

BB.

billi nofs il-vjaġġi kollha li jagħmlu ċ-ċittadini Ewropej huma iqsar minn 5 km,

BC.

billi 60% tal-vjaġġi kollha bil-karozza u 90% tal-vjaġġi magħmula bil-ferrovija fit-trasport reġjonali u l-vaġġi lejn ix-xogħol kuljum mhumiex itwal minn 30km,

BD.

billi t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija u fuq l-ibħra naqas bejn l-2001 u l-2006 (minn 18,6% għal 17,7% u minn 6,5% għal 5,6% rispettivament) filwaqt li t-trasport tal-merkanzija bit-triq żdied (minn 74,9% għal 76,7%),

BE.

billi t-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija fuq l-ilma huwa wieħed mill-mezzi ta' trasport effiċjenti għal dik li hija enerġija u l-proporzjon ta' merkanzija trasportata bil-baħar fl-UE huwa madwar 40%,

BF.

billi huwa stmat li l-enerġija kkunsmata għal kull tunnellata ta' merkanzija u l-kilometri ta' vjaġġi bit-trasport fuq ibħra interni tammonta għal wieħed minn sitta tal-konsum ta' l-enerġija tat-trasport bit-triq u nofs dak tat-trasport bil-ferrovija,

BG.

billi programmi bħal Marco Polo u NAIADES kienu użati b'mod mhux suffiċjenti minn Stati Membri biex iressqu t-trasport għal merkanzija għal kanali ta' ilma qrib l-art u għal ibħra,

BH.

billi l-kummerċ fuq rotot lilhinn mix-xtut qed jiżdied u t-tendenza fil-bini tal-vapuri hija aktarx favur vapuri kbar tal-kontejners jew tal-passiġġieri li jikkunsmaw aktar żjut tqal u b'hekk iniġġsu l-ambjent b'aktar ħsara minn qabel, u fl-istess ħin it-tbaħħir internazzjonali ma jiffurmax parti mill-isforzi internazzjonali biex tiġi kkumbattuta l-bidla fil-klima,

BI.

billi fuq naħa waħda l-liberalizzazzjoni u d-deregolazzjoni gradwali tas-settur ta' l-avjazzjoni tul l-aħħar għaxar snin kien rekwiżit essenzjali għall-iżvilupp dinamiku tat-trasport bl-ajru Ewropew, b'żieda ta' 49% fit-titjiriet tal-passiġġieri fl-UE mill-1999 sal-2004, filwaqt li mill-banda l-oħra l-emissjonijiet CO2 mis-settur b'mod ġenerali żdiedu b'79% mill-1990 sal-2005,

BJ.

billi t-tkabbir fis-settur tat-trasport bl-ajru qed ikompli jżid l-impatt tiegħu fuq l-ambjent minkejja t-titjib tekniku u operazzjonali, iżda billi s'issa d-diskussjonijiet dwar standards obbligatorji tal-emissjonijiet għall-magni tal-ajruplani kienu limitati sabiex jiġġeneraw titjib teknoloġiku fil-mekkaniżmi ta' propulsjoni tagħhom u ma jeżistux studji dwar possibilitajiet ta' implimentazzjoni,

BK.

billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri niedu l-Inizjattiva ta' Teknoloġija Konġunta “Clean Sky” u l-programmi Riċerka ta' Maniġġjar tat-Traffiku tal-Ajru Sema' Ewropea Waħda (SESAR), Sistema ta' Navigazzjoni tas-Satellita Ewropeea (Galileo) u Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurta (GMES), kif ukoll proġetti ta' riċerka għal sistemi ta' trasport intelliġenti, bil-ħsieb li tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija fil-qasam tat-trasport,

BL.

billi minħabba t-trasport bl-ajru mhux biss is-CO2 iżda wkoll ossidi tan-nitroġenu, fwar ta' l-ilma, u partikolati ta' sulfati u karbonju jidħlu fl-atmosfera li skond stimi tal-Panel Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) jintensifikaw l-effett ġenerali tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni b'fattur ta' 2 sa 4, u fl-istess ħin dawn l-istimi ma jqisux l-effett addizzjonali tal-formazzjoni ta' sħab tar-riħ (cirrus),

BM.

billi ċ-ċittadini u l-ekonomiji tar-reġjuni l-aktar imbiegħda huma estremament dipendenti fuq it-trasport bl-ajru għal mobilità u l-iżvilupp tagħhom,

BN.

billi għandu jkun enfasizzat li, f'perjodu ta' żmien fit-tul, l-aktar mod effiċjenti ta' tnaqqis ta' emissjonijiet bbażati fuq trasport huwa billi jitnaqqas it-tkabbir ta' trasport b'mod sħiħ billi t-trasport pubbliku jkun alternattiva aktar attraenti għal karozzi tal-passiġġieri, żieda fil-volum ta' trasport tal-ferrovija u l-iżgurar li ppjanar urban u infrastrutturali iqis il-ħtieġa assoluta li jitnaqqas l-użu tal-vetturi tal-passiġġieri,

Turiżmu u wirt kulturali

BO.

billi studju miċ-Ċentru tal-Wirt Kulturali Dinji tal-UNESCO jistipula li wieħed minn għaxra tas-siti kollha tal-wirt kulturali dinji u pajsaġġ tradizzjonali huma mhedda bl-effetti tal-bidla fil-klima,

BP.

billi skond l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu tan-NU, l-Ewropa hija reġjun turistiku l-aktar importanti fid-dinja, responsabbli għal 55% tal-wasliet internazzjonali kollha tat-turisti fl-2006,

BQ.

billi l-bidla fil-klima tista' tibdel il-flussi tat-turisti li jistgħu jġibu magħhom żvantaġġi ekonomiċi kbar ħafna għar-reġjuni tal-vakanzi milquta,

Skema ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet u Emissjonijiet ta' l-industrija

BR.

billi s-Sistema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tal-Unjoni Ewropea hija strument uniku biex jinkiseb tnaqqis fl-emissjonijiet b'effiċjenza massima u tista' sservi ta' mudell għal skemi simili, għalkemm il-kompatibilità ta' skemi bħal dawn tkun trid tiġi ggarantita,

BS.

billi s-setturi industrijali huma essenzjali biex jilħqu l-miri ta' tnaqqis ta' tniġġis ta' gass bl-effett serra stabbiliti mill-Kunsill Ewropew u billi huma għandhom ikunu inkoraġġuti biex inaqqsu aktar it-tniġġis ta' gass b'effett serra industrijali tagħhom, waqt li jibqgħu kompetittivi,

BT.

billi l-idea bażika tal-Clean Development Mechanism (CDM) u l-Joint Implementation (JI), li hija t-tixrid tat-teknoloġiji moderni u effiċjenti, għanda taħdem fir-realtà; billi CDM/JI għandhom ikunu limitati għal proġetti ta' kwalità għolja li jipprovdu tnaqqis addizzjonali dokumentat fi tniġġis ta' gass bl-effett serra,

Biedja u tkabbir ta' annimali

BU.

billi l-bidliet fil-prattiki tal-biedja, il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u r-riformi strutturali l-aktar reċenti fil-Politika Agrarja Komuni jimmiraw lejn is-sostenibilità u għalhekk indirettament – permezz tal-użu impost tar-riżorsi disponibbli – iġibu tnaqqis fl-emissjonijiet,

BV.

billi l-agrikoltura tniġġes b'gassijiet bl-effett serra iżda tikkontribwixxi wkoll pożittivament għat-tnaqqis ta' tniġġis ta' gass bl-effett serra, u tbagħti wkoll direttament mill-effett negattiv tal-bidla fil-klima għal konsegwenzi ekonomiċi u soċjali differenti tul reġjuni tal-Ewropa,

BW.

billi l-koltivazzjoni wiesgħa tal-għalf għat-tkabbir tal-annimali tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għall-emissjonijiet totali ta' gass b'effett ta' serra ġejjin mill-agrikultura,

BX.

billi oġġettivi klimatiċi speċifiċi, bħal rekwiżiti obbligatorji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan u ossidu nitriku, huma nieqsa fil-biedja, bħalma huma skemi ta' inċentivi biex jiġu sfruttati l-potenzjali eżistenti ta' tnaqqis fl-emissjonijiet,

BY.

billi t-tkabbir tal-annimali b'mod aktar naturali jkollu benefiċċji sinifikattivi għall-ambjent għal dak li huwa ħarsien tal-pajsaġġ u l-konservazzjoni tal-mergħat, filwaqt li jonqos ukoll l-użu tal-enerġija u jonqsu l-emissjonijiet,

BZ.

billi l-istokkijiet tal-annimali għandhom ikunu adattati għall-artijiet disponibbli, u billi prattiki sostenibbli fil-mergħat jistgħu jevitaw l-erożjoni tal-ħamrija fiż-żoni fejn jirgħu l-bhejjem,

Foresti

CA.

billi l-foresti huma prezzjużi ħafna għall-bijosfera u għandhom bosta funzjonijiet fl-ekosistema globali, u billi l-valur ekonomiku attwali allokat għall-foresti ma jistax jikkunsidra l-eko-sistema tagħhom jew il-valur soċjali/soċjetali,

CB.

billi l-foresti għandhom rwoli bit-tliet dimensjonijiet fit-tnaqqis tal-bidla fil-klima: hekk kif l-istokkijiet ta' karbonju permezz ta' użu sostenibbli u ħarsien ta' foresti, hekk kif il-karbonju jinżel taħt il-firxa tal-foresti u bħala sostitut ta' fjuwils fossili u prodotti fossili bħala materja prima li terġa' tiġġedded,

CC.

billi 'l fuq minn 30% tal-massa ta' art tad-dinja hija koperta bil-foresta, li hija l-post ta' aktar minn żewġ terzi tal-ispeċi kollha li jgħixu fid-dinja, u billi xi 30% ta' tniġġis annwali minn gass bl-effett serra huwa assorbit mill-foresti,

CD.

billi fuq naħa waħda l-foresti għandhom rwol kruċjali biex irażżnu l-bidla fil-klima filwaqt li min-naħa l-oħra terz tal-foresti tad-dinja huma effettwati mill-konsegwenzi tal-bidla fil-klima,

CE.

billi l-aktar problema serja li twassal għad-distruzzjoni tal-foresti tinsab fil-fatturi soċjo-ekonomiċi bħall-faqar u n-nuqqas ta' żvilupp, istituzzjonijiet politiċi dgħajfa u l-assenza tal-istat tal-liġi, kif ukoll kundizzjonijiet inġusti ta' proprjetà u l-korruzzjoni li jistgħu, fost konsegwenzi oħrajn, iwasslu għal qtugħ u qerda illegali ta' foresti,

CF.

billi l-qerda tal-foresti permezz tad-deforestazzjoni, il-qtugħ mhux sostenibbli taz-zkuk s-siġar għall-injam jew nirien ikkawżati inter alia minn temperaturi għoljin, tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-emissjonijiet tas- CO2,

CG.

billi m'hemmx biżżejjed strateġiji u programmi għal żriegħ mill-ġdid ta' foresti li kienu meqruda,

CH.

billi l-forma ta' pjanti tal-foresti fl-UE ma tirriflettix il-karatteristika ta' pjanti mħallta fl-Ewropa,

Protezzjoni tal-ħamrija

CI.

billi d-diversi tipi ta' ħamrija fl-Ewropa qed ikollhom ħsara irriversibbli b'rata aktar mgħaġġla minn qatt qabel, u din il-ħsara qed tiġi intensifikata mill-bidla fil-klima,

CJ.

billi meta l-permafrost jinħall in-natura tal-ħamrija tinbidel fl-emisfera ta' fuq u joħorġu kwantitajiet addizzjonali sinifikattivi ta' metan fl-atmosfera,

Immaniġġjar tal-ilma

CK.

billi d-disponibilità tar-riżorsi tal-ilma, il-forniment tal-ilma għax-xorb, il-konsum tal-ilma u t-trattament tal-ilma tad-dranaġġ huma marbuta mill-qrib mal-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali,

CL.

billi l-inugwaljanzi reġjonali fl-Ewropa fir-rigward tar-riżorsi tal-ilma disponibbli qed jiġu intensifikati aktar minħabba l-bidla fil-klima,

Sajd

CM.

billi l-ħut u l-frott tal-baħar huma sors importanti ta' nutriment, u billi l-oċean huwa l-akbar ġibjun ta' karbonju fid-dinja u jservi bħala sors tal-bijomassa u l-materja prima,

CN.

billi r-riżorsi ta' nutriment mill-baħar diġà qed jiġu sfruttati bil-kbir,

Immaniġġjar tal-iskart u tar-riżorsi

CO.

billi l-ġerarkija tal-iskart hija prinċipju ewlieni li jiggwida t-tnaqqis tal-bidla fil-klima fis-settur tal-iskart,

CP.

billi għandu jkun rikonoxxut li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-iskart flimkien ma' innovazzjonijiet dwar ir-rimi tal-iskart u ż-żieda fl-użu ta' prodotti riċiklati diġà għandhom impatt pożittiv fuq l-ambjent u qed jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra mis-settur tal-iskart, għalkemm mhux kull potenzjal għadu qed jiġi sfruttat,

CQ.

billi l-kwantità tal-iskart sfortunatament dejjem qed tiżdied minkejja l-isforzi kollha biex titnaqqas,

Miżuri ta' adattament

CR.

billi miżuri ta' adattament ta' kull tip jirrappreżentaw assikurazzjoni għall-futur, bil-ħsieb li tittaffa l-ħsara mill-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra tal-passat u ż-żieda fit-temperatura li rriżultat,

CS.

billi l-użu ta' analiżi tal-ispejjeż meta mqabbel mal-benefiċċju li jinkiseb fl-iżvilupp ta' miżuri ta' adattamet mhux biżżejjed biex tkun iggarantita protezzjoni minima meħtieġa għall-gruppi kollha tal-popolazzjoni; billi, bil-ħsieb ta' miżuri bħal dawn, l-effetti lokali tal-bidla fil-klima jeħtieġ li jkunu analizzati bħala kwistjoni ta' urġenza,

CT.

billi skont ir-Rapport tal-Millennju ta' Evalwazzjoni tal-Ekosistema l-konsum tar-riżorsi naturali attwalment qed jhedded żewġ terzi tal-ekosistemi kollha, iżid il-vulnerabilità fil-konfront tal-bidla fil-klima u b'hekk ikompli jintensifika l-pressjoni biex jiġu elaborati miżuri ta' adattament kemm jista' jkun malajr,

CU.

billi r-rapport konġunt tal-EEA, il-JRC (Ċentru ta' Riċerka Konġunta) u l-WHO (Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa) bit-titolu “Impatti tal-bidla tal-klima fl-Ewropa” jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-vulnerabilità għal bidla fil-klima tvarja ħafna minn reġjun għall-ieħor u fis-setturi fl-Ewropa, li tolqot l-aktar reġjuni fil-muntanji, zoni kostali, lill-Mediterran u lill-Artiku, u billi dan ir-rapport jenfasizza li, minbarra tnaqqis imsaħħaħ ta' tniġġis globali ta' gass bl-effett serra, miżuri ta' adattament proattivi huma meħtieġa fil-livell Ewropew u nazzjonali biex jimmoderaw l-effetti,

Saħħa

CV.

billi ħafna mill-effetti tal-bidla fil-klima fuq is-saħħa, kif rapportat mid-WHO, jistgħu jiġu mrażżna billi jiġu ppjanati u msaħħa s-sistemi tas-saħħa b'miżuri xierqa ta' prevenzjoni, b'attenzjoni partikolari għat-tixrid ta' mard tropikali, u permezz ta' kampanji ta' informazzjoni pubbliċi li jindirizzaw b'mod speċifiku l-gruppi vulnerabbli bħalma huma n-nisa tqal, it-trabi tat-twelid, it-tfal u l-anzjani,

CW.

billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-Ambjent u tas-Saħħa Ewropew 2004-2010 ċarament mhux adegwat biex jindirizza l-kawżi ambjentali li jaffettwaw is-saħħa, speċjalment dawk ġejjin mill-bidla fil-klima,

Tkabbir u Impjiegi

CX.

billi l-miri tal-politika dwar il-klima li sar ftehim dwarhom fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007 jistgħu jiġu attwati teknikament u ekonomikament u joffru opportunitajiet ta' negozju uniċi għal eluf ta' kumpaniji tal-UE,

CY.

billi ħafna negozji għadhom ma rrikonoxxewx suffiċjentement l-opportunitajiet u r-riskji marbuta mal-bidla fil-klima,

CZ.

billi l-azzjoni li għaliha ttieħed impenn biex tiġi missielta l-bidla fil-klima hija kompatibbli ma tkabbir ekonomiku kontinwu u prosperità; billi hija tista' tirrappreżenta investiment effettiv b'funzjoni importanti kontra r-reċessjoni u trid tidher bħala sfida għal tibdil strutturali wiesa' li għandu bħala l-objettiv tagħhom l-iżvilupp ta' ekonomija li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent realment,

DA.

billi huwa aktar probabbli li jkun hemm ristrutturazzjoni tal-impjiegi fi ħdan industriji partikolari milli bejn industrija u oħra,

Promozzjoni ta' teknoloġiji tal-ġejjieni

DB.

billi l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet hija l-qofol prinċipali tal-programm Ewropew dwar il-bidla fil-klima bil-ħsieb li jinkiseb livell aktar baxx ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra permezz ta' effiċjenza akbar, billi l-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet waħdu mhuwiex suffiċjenti biex jinsab mod kif noħorġu mill-impass tas-CO2 u biex tinbeda rivuluzzjoni fuq skala wiesgħa fil-qasam tat-teknoloġiji ta' CO2 baxx,

DC.

billi l-kisba tal-miri ta' tnaqqis tal-bidla fil-klima teħtieġ mekkaniżmi xierqa ta' kontroll finanzjarju li jinkludu l-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija u nodfa,

DD.

billi djar sostenibbli joffru potenzjal enormi għal ħolqien tax-xogħol,

DE.

billi effiċjenza mtejba waħeda biss mhux se twassal għal rivoluzzjoni teknoloġika, iżda se teħtieġ strateġija integrata fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali biex tingħata spinta għar-riċerka u l-iżvilupp (R&D) f'teknoloġiji u proċessi ġodda u avvanzati, u biex tissaħħaħ l-adozzjoni tagħhom,

DF.

billi l-qabda u l-ħażna ta' karbonju (CCS) diġà qed jiġi applikat fuq skala żgħira f'oqsam varji – p.e. l-estrazzjoni taż-żejt u l-gass – iżda għadu fl-ewwel stadji bħala teknoloġija importanti li tikkumbatti l-bidla fil-klima,

DG.

billi l-ispejjeż u r-riskji xorta jissuperaw il-vantaġġi ekonomiċi, u l-effettività tal-impjanti tal-enerġija li jużaw is-CCS qed tonqos minkejja l-użu tal-aħħar teknoloġija,

DH.

billi t-teknoloġija tal-qbid u l-ħżin tas-CO2 (CCS), bħala teknoloġija intermedjarja fit-triq lejn it-tneħħija tal-karbonju fis-sistema tal-enerġija, tista' tikkontribwixxi għas-soluzzjoni tal-kwistjoni tat-tnaqqis ta' emissjonijiet CO2 mill-impjanti tal-enerġija u tista' sservi biex tikkumplimenta teknoloġiji rinnovabbli, iżda billi s-CCS hija teknoloġija tat-tip 'end-of-pipe',

Sistemi intelliġenti tal-kompjuter u Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT)

DI.

billi s-settur tal-ICT attwalment jipproduċi 2% tal-emissjonijiet globali tas-CO2, iżda l-industrija hija kapaċi mhux biss li tnaqqas l-emissjonijiet CO2 tagħha stess iżda b'mod partikolari li tiżviluppa applikazzjonijiet innovattivi u aktar effiċjenti f'dik li hija enerġija għall-ekonomija b'mod ġenerali,

Fianzjament u kwistjonijiet baġitarji

DJ.

billi l-baġit attwali tal-UE huwa insuffiċjenti biex jintlaħqu l-oġġettivi tal-klima, peress li l-prijorità politika tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima ma ngħatatx l-approprjazzjonijiet baġitarji neċessarji,

DK.

billi fil-qafas finanzjarju li ġej, l-approprjazzjonijiet baġitarji se jiġu allokati biex jikkumbattu l-bidla fil-klima u tinħoloq politika Ewropea ta' adtattament, sabiex jiġi żgurat li l-UE ikollha “baġit għall-bidla fil-klima” suffiċjenti għall-perjodu baġitarju li jmiss wara l-2013,

DL.

billi l-ġlied kontra l-bidla fil-klima trid titqies fil-politiki tal-UE kollha; billi, konsegwentement, l-UE ma tistax tkompli tqassam mill-ġdid riżorsi attwali iżda għandha tippromwovi l-ħolqien ta' riżorsi ġodda biex tiffinanzja l-karatteristika transkonfinali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima,

Edukazzjoni, taħriġ, rappurtar, tikkettar u ħolqien ta' kuxjenza

DM.

billi miżuri ta' politika soċjali u ekonomika biex jiġġieldu l-bidla fil-klima jintroduċu trasformazzjoni kulturali li se tibdel użanzi u stili ta' ħajja stabbiliti, iżda billi mhux se jkun possibbli li jintlaħaq konsum ġenwinament sostenibbli u użu ta' materja prima fl-oqsma kollha tas-soċjetà mingħajr tibdil fil-ħsieb u fl-imġieba, li għalihom mudelli ġodda ta' konsum u ta' stili ta' ħajja jridu jkunu żviluppati,

DN.

billi l-bidla fil-klima se tagħti spinta lill-modernizzazzjoni teknoloġika, li l-opportunità ekonomika tiegħu tista' tiġi sfruttata biss jekk ikun hemm disponibbli biżżejjed ħaddiema speċjalizzati fis-suq tax-xogħol,

DO.

billi l-istħarriġ speċjali tal-Eurobarometer (Special Eurobarometer No 300) juri b'mod ċar li l-bidla fil-klima hija meqjusa bħala problema serja ħafna minn maġġoranza wiesgħa ta' persuni li wieġbu fl-istħarriġ fl-Ewropa, iżda bosta persuni ilmentaw dwar nuqqas ta' informazzjoni u billi inizjattivi personali biex jiġi affrontat it-tisħin globali għandhom it-tendenza li jiġi limitati għal miżuri sempliċi bħas-separazzjoni tal-iskart jew konsum aktar baxx tal-enerġija u tal-ilma li ma jġibu magħhom l-ebda bidla drastika fil-ħajja ta' kuljum,

DP.

billi teżisti l-informazzjoni meħtieġa biex wieħed jeżamina d-drawwiet ta' mobilità tiegħu stess fir-rigward ta', pereżempju,l-użu tal-karozza privata u mezzi alternattivi tat-trasport (il-mixi, ir-rota jew it-trasport pubbliku),

DQ.

billi l-oġġettivi u r-regoli tal-UE dwar il-ħarsien tal-klima jgħinu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali muniċipali jtejbu l-kwalità tal-ħajja f'bosta bliet fl-Unjoni Ewropea, u billi inizjattivi lokali f'żoni kbar metropolitani metropolitan jagħtu kontribut kruċjali għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet CO2 tal-UE,

DR.

billi mhijiex ir-responsabilità tal-bejjiegħa bl-imnut biss biex joħolqu mġiba alternattiva ta' stil tax-xiri fost il-klijenti tagħhom; iżda billi n-negozji b'mod ġenerali jistgħu jagħtu eżempju ta' sostenibilità u effiċjenza fir-riżorsi permezz tal-mudelli tan-negozju u proċessi ta' produzzjoni tagħhom u jistgħu jużaw l-istaff tagħhom biex jimmoltiplikaw l-eżempju għal azzjoni li toħloq kuxjenza dwar il-klima,

DS.

billi l-informazzjoni tal-konsumatur hija nieqsa sew fir-rigward tal-effetti tal-klima fuq prodotti agrikoli, iżda peress li kampanji ta' informazzjoni immirati jistgħu jinfluwenzaw l-imġieba tal-konsumaturi fix-xiri tagħhom u għaldaqstant jintlaħqu wkoll objettivi tal-politika tas-saħħa,

DT.

billi l-problema tal-bidla fil-klima ma tistax tkun indirizzata mingħajr l-involviment fuq skala kbira ta' persuni lokali fil-partijiet kollha tad-dinja, u billi, għalhekk, wieħed mid-doveri essenzjali se jkun li jkunu provduti, b'kull mezz possibbli, bl-informazzjoni li jeħtieġu biex tgħin ikunu solvuti problemi u wkoll biex jipproteġu lilhom infushom meta jaslu problemi ta' adattament, kif se jkun il-każ,

2050 - Il-ġejjieni jibda llum

DU.

billi l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni tad-dinja għal riżorsi diġà jaqbżu bi kwart il-kapaċità ta' ġenerazzjoni mill-ġdid naturali tad-dinja, b'hekk tiċħad lill-ġenerazzjonijiet tal-futur mill-essenzjali tal-ħajja,

DV.

billi s-sisien tal-metodi ta' produzzjoni u l-imġiba tal-konsumaturi tal-ġejjieni se jitpoġġew bis-saħħa tad-deċiżjonijiet politiċi tal-preżent, li jitolbu kapaċità li wieħed jaħseb minn qabel u kapaċità ta' tmexxija politika, iżda billi stil ta' ħajja aktar sostenibbli ma jkunx possibbli mingħajr il-kontribuzzjoni tal-ekonomija, ix-xjenza, il-midja, is-soċjetà ċivili organizzata u ċ-ċittadini,

DW.

billi l-bidla fil-klima hija problema ambjentali globali li l-kawżi tagħhom huma ta' natura strutturali,

Ideat politiċi ta' gwida

1.

Ifakkar fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2008 msemmija hawnfuq, u b'mod partikolari l-fatt li l-isforzi kollha għat-trażżin tal-emissjonijiet għandhom jimmiraw li jibqgħu taħt il-prijorità tal-għan li jiġu limitati ż-żidiet fit-temperatura globali għal inqas minn 2°C, minħabba li livell ta' tisħin ta' dak id-daqs diġà jista' jkollu impatt qawwi fuq is-soċjetà tagħna u l-istili ta' ħajja individwali u kieku jinvolvi wkoll tibdil sinifikanti fl-ekosistemi u fir-riżorsi tal-ilma; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li, kif indikaw bosta rapporti xjentifiċi riċenti, il-bidla fil-klima saret kemm iktar mgħaġġla kif ukoll iktar serja f'termini tal-effetti avversi tagħha milli kemm wieħed kien jaħseb qabel; konsegwentement, jitlob lill-Kummissjoni biex tosserva u tanalizza mill-qrib l-iktar sejbiet xjentifiċi riċenti bl-għan li tevalwa, b'mod partikolari, jekk il-mira ta' 2°C tal-UE tiksibx xorta waħda l-għan li tkun evitata bidla fil-klima perikoluża;

2.

Jenfasizza li jeżisti bżonn urġenti – b'approġġ orizzontali – biex il-bidla fil-klima u t-tisħin globali jiġu inkorporati bħala parametri ġodda fl-isferi u l-politiki kollha, u biex il-kawżi u l-konsegwenzi tat-tisħin globali u l-bidla fil-klima jiġu kkunsidrati f'kull qasam relevanti tal-leġiżlazzjoni tal-UE;

3.

Ifakkar b'mod partikolari fl-objettivi essenzjali għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u jenfasizza l-importanza, skont ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni (AR4) tal-IPCC u kif imniżżel fil-pjan direzzjonali ta' Bali, li tiġi ffissata, għall-UE u għall-pajjiżi industrijalizzati l-oħra bħala grupp, mira fuq perjodu ta' żmien medju ta' tnaqqis ta' 25-40% fl-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra sal-2020, u wkoll mira ta' tnaqqis fuq perjodu ta' żmien twil ta' mill-anqas 80% sal-2050, meta mqabbla mal-1990, filwaqt li wieħed jiffoka fuq il-fatt li tiġi ristretta ż-żieda fit-temperatura medja globali għal 2°C fuq il-livelli preindustrijali u, għaldaqstant, li tinkiseb probabiltà ta' 50% li jiġi ssodisfat dan l-objettiv;

4.

Jenfasizza li l-impatt ta' nazzjon fuq il-klima mhux limitat għal tniġġis fiżiku tiegħu; iħeġġeġ lill-UE biex tieħu passi urġenti internament u fil-kuntest ta' negozjati internazzjonali biex tiżviluppa prinċipji ta' verifika li jinkludu wkoll l-effetti sħaħ tal-konsum, inklużi l-effetti tal-avjazzjoni internazzjonali;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis l-impatt tal-karbonju ta' inizjattivi tal-politika Ewropea fil-futur biex tiżgura li l-miri tal-bidla fil-klima stabbiliti fil-livell Ewropew jintlaħqu, waqt li xorta tiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ambjent u s-saħħa pubblika;

6.

Jenfasizza l-miżuri politiċi u l-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali (inklużi ftehimiet reġjonali multilaterali), tal-UE u tal-Istati Membri, li ġie propost ripetutament mill-Parlament Ewropew biex tiġi missielta l-bidla fil-klima;

7.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-pakkett ta' miżuri leġiżlattivi tal-UE (l-hekk imsejjaħ “pakkett għall-klima u l-enerġija”) li jirrikjedi t-tnaqqis unilaterali ta' 20% tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra tal-UE u l-istabbiliment ta' proċedura biex jiżdied l-isforz biex jintlaħaq tnaqqis ta' 30% skont l-impenji fil-ftehima internazzjonali futura u biex jiżdied għal 20% s-sehem ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE sal-2020, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw dawk il-miżuri leġiżlattivi malajr u mingħajr xkiel; jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-“pakkett għall-klima u l-enerġija”;

8.

Iqis li ċerti prinċipji miftehma fil-pakkett dwar il-klima u l-enerġija huma siewja wkoll għall-iskopijiet ta' ftehim internazzjonali, b'mod partikulari il-mogħdija lineari li torbot għall-impenji tal-pajjiżi industrijalizzati, divrenzjoni fuq il-bażi ta' emissjonijiet verifikati fl-2005, u r-reġim ta' konformità ma' fattur annwali ta' tnaqqis;

9.

Huwa impenjat għal rwol ewlieni għall-Unjoni Ewropea fin-negozjati internazzjonali taħt il-UNFCCC fil-livell COP u MOP, kif ukoll f'fora oħra internazzjonali, bħad-WTO, il-Bank Dinji u l-IMF; Jinnota wkoll il-bżonn urġenti għall-UE u l-Istati Membri tagħha li jkintlaħqu l-miri tal-Protokoll ta' Kyoto sabiex tassumi dan l-irwol b'mod kredibbli;

10.

Huwa tal-fehma li l-iżvilupp, l-applikazzjoni u l-esportazzjoni ta' teknoloġiji ambjentali moderni jagħtu kontribut biex tiġi ssodisfata l-Istrateġija ta' Liżbona u biex jintlaħqu l-miri ta' Kyoto tal-UE u oġġettivi oħra dwar il-klima, u b'hekk il-miri ambjentali u t-tkabbir ekonomiku jkunu jistgħu jiġu realizzati, l-istrateġija ta' Liżbona u l-pakkett tal-klima u l-enerġija għandu jkun integrat b'mod sħiħ;

11.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġjaw is-sejħa tan-NU għal “Ftehim Ġdid Aħdar”; fid-dawl tal-kriżi finanzjarja, jitlob li l-investimenti li jkollhom l-għan li jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku jagħmlu dan b'mod sostenibbli, b'mod partikolari billi jippromwovu teknoloġiji ħodor li fl-istess ħin itejbu l-kompetittività futura tal-UE u jiżguraw l-impjiegi;

12.

Jenfasizza f'dan il-kuntest, li l-fatt li se tiġi indirizzata l-bidla fil-klima, se jwassal għal tibdil fis-soċjetà li se jgħin biex jinħolqu impjiegi u industriji ġodda, jiġu missielta l-faqar enerġetiku u d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili u jkunu pprovduti benefiċċji soċjali għaċ-ċittadini; jenfasizza li koperazzjoni fil-livell internazzjonali, reġjonali u lokali se jkun kritiku jekk se nkunu ta' suċċess biex nilħqu din il-mira;

13.

Huwa konvint, barra minn hekk, li l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima tista' tkun ta' suċċess jekk iċ-ċittadini jiġu involuti b'mod sħiħ fil-proċess u jiġu protetti matul il-perjodu ta' tranżizzjoni għal ekonomija mingħajr karbonju; jimmarka, għalhekk, il-fatt li politiki ta' tnaqqis u ta' adattament se jimbuttaw l-Unjoni Ewropea lejn mudell ġdid ta' żvilupp sostenibbli li għandu jippromwovi l-karattru soċjali tagħha biex jiżgura l-kunsens soċjali;

14.

Jenfasizza l-ħtieġa, qabel kollox, li jinkiseb progress kbir fl-effiċjenza fl-oqsma kollha tal-ħajja ta' kuljum u, b'mod parrallel, jinbeda proċess ta' produzzjoni u konsum sostenibbli bi ffrankar konxju tar-riżorsi fuq il-bażi tas-sorsi tal-enerġiji li jiġġeddu;

15.

Jenfasizza f'dan il-kuntest il-bżonn li jiġi eżaminat il-baġit tal-EU, kif ukoll l-istrumenti ta' ffinanzjar eżistenti u futuri, fir-rigward tal-kompatibilità tagħhom mal-għanijiet tal-politika Ewropea tal-ħarsien tal-klima, u fejn ikun meħtieġ jiġu adattati;

16.

Jenfasizza li suċċess fil-politika tar-riċerka u l-iżvilupp isir possibbli biss bl-applikazzjoni prattika ta' teknoloġiji ġodda permezz ta' punti ta' aċċess għas-suq iggarantiti;

17.

Jistieden biex ir-riċerka titwettaq f'tendenzi potenzjali tal-emigrazzjoni riżultat tal-klima u l-pressjonijiet li jmiss fuq is-servizzi lokali, biex jinforma pjanar fuq perjodu ta' żmien fit-tul u proċessi ta' mmaniġġjar tar-riskju;

18.

Jenfasizza li kważi nofs il-popolazzjoni tad-dinja taħt l-età ta' 25 sena u li d-deċiżjonijiet tal-lum dwar il-politika tal-klima se jkollhom konsegwenzi importanti għall-akbar ġenerazzjoni ta' żgħażagħ fl-istorja tal-bniedem;

Id-dimensjoni internazzjonali: wara l-2012, il-politika esterna dwar il-klima u l-kummerċ internazzjonali

19.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mis-COP 14 u mis-COP/MOP 4 f'Poznań biex jimxu mid-diskussjonijiet għan-negozjati ta' vera bil-ħsieb li tintlaħaq ftehima għal wara l-2012 u li jiġi adottat, f'dan il-kuntest, programm ta' ħidma għall-2009; jilqa' b'sodisfazzjon ukoll il-mandat li ngħata liċ-Chairpersons biex jipproponu test li għandu jiġi eżaminat waqt is-sessjoni tan-negozjati ta' Ġunju 2009;

20.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Presidenzi tal-Kunsill li ġejjin biex jieħdu rwol ta' tmexxija fin-negozjati internazzjonali lejn ftehim għal wara l-2012 u biex jilħqu konklużjoni sal-2009, sabiex jibqa' żmien biżżejjed biex jiġi rratifikat il-ftehim li ġej dwar il-bidla fil-klima u jiġi evitat distakk ta' żmien bejn il-perjodi ta' obbligu;

21.

Jenfasizza li l-ftehim ġdid dwar il-bidla fil-klima għandu jidħol fis-seħħ taħt il-patroċinju tan-NU u fuq il-prinċipju ta' “responsabiltà komuni iżda differenti”, filwaqt li d-dinja industrijalizzata għandha tkun hi li tibda tnaqqas l-emissjonijiet domestiċi tagħhom filwaqt illi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jimpenjaw ruħhom ukoll, skont il-Pjan ta' Azzjoni ta' Bali, biex jieħdu azzjonijiet ta' mitigazzjoni li huma xierqa f'livell nazzjonali fil-kuntest ta' żvilupp sostenibbli, appoġġjati u awtorizzati, b'mod li jista' jitkejjel, li jista' jsir rapportar dwaru u li jista' jiġi vverifikat, mit-teknoloġija, mill-iffinanzjar u mill-bini tal-kapaċità ta' pajjiżi industrijalizzati;

22.

Jistieden lill-partijiet industrijalizzati għall-UNFCCC li għadhom m'għamlux dan biex jipproponu impenji individwali ta' tnaqqis ta' emissjonijiet, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-isforz globali biex jintlaħaq l-objettiv tal-Konvenzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw lejn il-proċess tal-UNFCCC u l-impenji u l-politiki indipendenti adottati minn bosta minnhom;

23.

Iħeġġeġ lill-amministrazzjoni l-ġdida fl-Istati Uniti biex tissodisfa l-aspettattivi u b'hekk tikkontribwixxi, permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni domestika, għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u l-promozzjoni ta' teknoloġiji nodfa u, permezz ta' parteċipazzjoni attiva fin-negozjati internazzjonali, għat-tiswir ta' qafas ambizzjuż għal wara l-2012 dwar il-bidla fil-klima;

24.

Jenfasizza li l-ftehim ta' wara l-2012 għandu jiġi jkun magħmul konformi ma' oġġettivi oħra tal-aġendi politiċi tan-NU u l-UE bħall-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) u kwistjonijiet ta' sigurtà, sabiex is-sinerġiji politiċi jkunu jistgħu jiġu sfruttati;

25.

Jieħu nota tal-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Komunikazzjoni tagħha bit-titolu “Lejn ftehima dwar il-bidla fil-klima globali f'Kopenħagen” (COM(2009)0039) dwar il-pożizzjoni tal-UE fit-tħejjija għall-Konferenza COP 15 tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima f'Kopenħagen;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibnu politika barranija dwar il-bidla fil-klima u biex ripetutament jiġbdu l-attenzjoni għall-miri tal-klima tal-UE fil-missjonijiet diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri; min-naħa tiegħu, jimpenja ruħu biex ripetutament iwassal il-kwistjoni tal-miri tal-klima tal-UE, u biex jiddefendi dawn il-miri, fil-kuntatti tiegħu mal-parlamentari minn pajjiżi oħrajn;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkorporaw ir-rekwiżiti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-miżuri ta' adattament għall-konsegwenzi tal-bidla fil-klima fil-programmi ta' appoġġ għall-iżvilupp, u/jew biex jirreferu għal dawn ir-rekwiżiti fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjoni tal-aġenziji internazzjonali ta' appoġġ għall-iżvilupp, biex b'hekk jinvolvu s-settur privat, l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-pajjiżi u r-reġjuni kkonċernati permezz ta' sħubiji; jenfasizza li r-riżorsi addizzjonali jeħtieġ ikunu mmobilizzati sabiex tingħata għajnuna lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex jaffrontaw l-isfida tal-bidla fil-klima u li inizjattivi li joħorġu f'dan il-kuntest għandhom ikunu marbuta, b'mod formali, mal-proċess tal-UNFCCC u l-kisba tal-MDGs; jilqa' b'sodisfazzjon it-tnedija min-naħa tal-UE, ta' Alleanza Globali dwar il-Bidla fil-Klima biex tappoġġja l-adattament għall-bidla fil-klima ta' pajjiżi foqra li qegħdin jiżviluppaw, li huma l-iktar vulnerabbli għall-bidla fil-klima, u f'dan ir-rigward, ifakkar fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2008;

28.

Jenfasizza li użu eċċessiv ta' CDM/JI jħedded il-kredinilità tal-Unjoni Ewropea fin-neguzjati internazzjonali tan-NU u b'konsegwenza, l-irwol ta' tmexxija tagħha fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex juru risponsabbilità u jimminimizzaw l-użu tas-CDMI/JI u jwettqu l-biċċa kbira tat-tnaqqis ta' emissjonijiet f'pajjiżhom;

29.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mis-COP 14 u mis-COP/MOP 4 biex il-Fond għall-Adattament jibda jitħaddem b'mod sħiħ, biex b'hekk ikun jista' jibda jiffinanzja proġetti mill-2009, u dan iqisu bħala l-ewwel pass importanti ħafna biex jiġi indirizzat it-tħassib tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw fir-rigward tal-iffinanzjar tal-miżuri dwar il-bidla fil-klima f'dawk il-pajjiżi; jilqa' b'sodisfazzjon ukoll id-deċiżjoni biex jiżdied il-livell tal-investiment għat-trasferiment tat-teknoloġija permezz tal-Programm Strateġiku ta' Poznań għat-Trasferiment tat-Teknoloġija;

30.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress, għalkemm limitat, li sar biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-addizzjonalità u tad-distribuzzjoni ġeografika tas-CDM, u jitlob lill-Istati Membri tal-UE, f'konformità mad-deċiżjonijiet ta' Poznań, biex jixtru bi preferenza krediti minn proġetti f'pajjiżi li qed jospitaw inqas minn għaxar proġetti CDM irreġistrati, speċjalment fil-pajjiżi l-inqas żviluppati (LCDs), fi stati gżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw (SIDs) u fl-Afrika, u biex jagħmlu tajjeb għall-ispiża biex jiġu vvalidati dawn il-proġetti;

31.

Ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-prinċipju tas-supplimentarjetà kif imsemmi fl-Artikoli 6, 12 u 17 tal-Protokoll ta' Kyoto u fil-Ftehimiet ta' Marrakech, skont liema prinċipju l-partijiet għandhom jilħqu l-parti l-kbira tal-obbligi tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra domestikament, qabel ma jieħdu vantaġġ minn mekkaniżmi flessibbli esterni bħas-CDM u l-JI;

32.

Jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tar-Rappreżentant Għoli dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni u tal-Kummissjoni dwar “Il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali”, u jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq diplomazija dwar il-klima fl-UE preventiva multilaterali xierqa għal dan il-għan, sabiex il-kwistjonijiet ikunu jistgħu jiġu inkorporati aktar fit-tiswir ta' relazzjonijiet internazzjonali flimkien ma' fatturi ta' relazzjonijiet internazzjonali bħat-tkabbir tal-popolazzjoni u l-emigrazzjoni kkawżata mill-klima, l-urbanizzazzjoni, il-bżonnijiet tal-enerġija, prezzijiet ogħla tal-enerġija u nuqqasijiet ta' ikel u ilma;

33.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Sigurtà Ewropea u l-Politika ta' Sigurtà u Difiża Ewropea, biex jevitaw, jimmonitorjaw, u jieħdu azzjoni biex jindirizzaw l-effetti tal-bidla fil-klima u d-diżastri naturali li jirriżultaw minnha għall-protezzjoni ċivili u s-sigurtà tal-bnedmin kif ukoll konflitti possibbli kkawżati minn tibdiliet fil-provvista tal-ilma u l-art ġejja mill-bidla fil-klima;

34.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu s-sħubiji attwali tal-klima li jimmiraw il-pajiżi li qed jiżviluppaw, u biex jidħlu fi sħubiji ġodda fejn dawn ma bħalissa ma jeżistux, u jipprovdu appoġġ finanzjarju b'mod sinifikattiv għal żvilupp u trasferiment ta' teknoloġija, protezzjoni ta' proprjetà intellettwali u bini tal-kapaċità istituzzjonali;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jorbtu l-ogħla prijorità għal effiċjenza tal-enerġija u riżorsi li jerġgħu jiġġeddu fil-kuntest ta' koperazzjoni ta' żvilupp;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tar-rawnds ta' negozjati tad-WTO u l-proċess ta' wara l-2012, biex tkompli bl-istrateġiji tan-negozjati koordinati fil-qasam tal-politika tal-kummerċ u l-ambjent sabiex tibgħat messaġġ ta' kredibilità lill-imsieħba tagħha fin-negozjati dwar il-miri ta' l-Ewropa dwar il-klima u l-istrumenti żviluppati biex dawn jintlaħqu u biex jitneħħa t-tħassib dwar ostakli għall-kummerċ jew żvantaġġi oħra għar-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi li m'għandhomx objettivi obbligatorji dwar il-klima, u biex jimplimentaw il-prinċipju ta' reċiproċità fl-interess tal-ġlieda kontra l-bidla il-klima f'livell globali;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Presidenzi tal-Kunsill u lill-Istati Membri biex ikunu minn ta' quddiem fin-negozjati lejn ftehima ta' wara l-2012, biex jiżguraw is-suċċess tan-negozjati fil-klima mmirati li jilħqu l-mira ta' 2oC;

Enerġija

38.

Jenfasizza li l-Ewropa teħtieġ politika komuni tal-enerġija li tħares 'il quddiem, ibbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri, kemm fl-UE kif ukoll fir-relazzjonijiet esterni, biex tiżgura livell għoli ta' sigurtà tal-provvista tal-enerġija b'konformità mal-kundizzjonijiet ta' sostenibiltà, l-effiċjenza fir-riżorsi u n-newtralità tal-klima filwaqt li jiġu indirizzati l-bidla fil-klima u l-kompetittività biex jiġi evitat li jkun hemm interruzzjoni potenzjali tal-provvista tal-enerġija;

39.

Jistieden lill-UE biex toħloq komunità Ewropea ta' enerġija li terġa' tiġġedded biex ikunu promossi r-riċerka u l-proġetti pilota f'dan il-qasam kif ukoll l-iżvilupp tal-grilja biex jippermettu għall-integrazzjoni mill-aqwa ta' riżorsi ta' enerġija li terġa' tiġġedded;

40.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw:

l-iżvilupp u l-investiment f'infrastruttura Ewropea għat-trażmissjoni tal-enerġija (inkluża l-hekk imsejħa supergrid) meħtieġa sabiex tiżgura diversità fl-UE f'termini ta' sorsi tal-enerġija;

R&D kontinwa ta' proġetti pilota relatati mat-teknoloġija marbuta mal-ICT, il-produzzjoni deċentralizzata u żviluppi teknoloġiċi ġodda oħra;

41.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw fażi ta' tranżizzjoni fit-taħlita ta' enerġija, influwenzata mill-politiċi u mmexxija mill-imprendituri, perjodu li fih l-użu sorsi ta' enerġija li tiġġedded gradwalment jissupplimentaw u sussegwentement jissostitwixxu l-użu tal-fjuwils fossili, permezz ta' appoġġ attiv mill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri u fil-livell ta' UE, flimkien mal-akbar grad possibble ta' koperazzjoni ma' pajjiżi oħrajn u organizzazzjonijiet internazzjonali;

42.

Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw sens ta' pussess fost reġjuni u ċittadini u biex jippromwovu l-użu miżjud ta' sorsi ta' enerġija li terġa' tiġġeded disponibbli lokalment permezz ta' inċentivi legali u fiskali;

43.

Jistieden lill-Istati Membri jimmotivaw lill-fornituri ta' l-elettriku b'sistemi ta' deprezzament u skemi ta' inċentini fiskali biex iwettqu l-modernizzazzjoni neċessarja tal-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-fjuwils fossili u jiksbu titjib sostanzjali fl-effiċjenza fil-produzzjoni tal-enerġija konvenzjonali;

44.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess għan-netwerk għall-enerġija u l-elettriku ġejjin minn sorsi deċentralizzati, biex jitneħħew ostakoli għall-aċċess tas-suq għall-fornituri tal-enerġija innovattiva fis-settur tal-enerġija li tiġġedded u biex jinsistu fuq l-espansjoni tal-koġenerazzjoni lokali tal-enerġija u biex jorjentawha lejn miri fuq perjodu ta' żmien medju;

45.

Jipproponi l-ħolqien, sħubiji ta' l-enerġija solari ma' pajjiżi terzi fir-reġjun tal-Mediterran bħala sisien għal politika barranija Ewropea tal-enerġija, li timmira li fil-fażi tal-bidu tiġġenera enerġija solari u tittrasferiha fl-Unjoni Ewropea permezz ta' fili diretti ta' vultaġġ għoli ħafna, u li tista' fit-tieni fażi tifforma l-bażi għal produzzjoni ta' elettriku u idroġenu u b'hekk għall-bidla lejn ekonomija bbażata fuq enerġija li tiġġedded;

46.

Jitlob lill-UE, lill-Istati Membri u lill-komunità kummerċjali:

biex jinvestu fl-infrastruttura, fin-netwerks u l-grids għall-produzzjoni, it-trasport u l-ħżin tal-elettriku prodott minn enerġiji rinnovabbli u l-idroġenu;

biex joffru lill-pajjiżi terzi, bis-saħħa ta' sħubiji tal-enerġija, programmi għall-ħolqien tal-istituzzjonijiet meħtieġa, programmi infrastrutturali u ta' taħriġ għal esperti bbażati lokalment u aċċess għan-netwerk għall-bżonnijiet tagħhom stess;

47.

Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jespandu aktar, b'konformità mal-kapaċitajiet lokali u reġjonali, is-sehem tal-enerġija tar-riħ mit-taħlita tal-enerġija, li grazzi għal promozzjoni intensiva diġà saret mezz stabbilit tal-produzzjoni ta' enerġija, kif ukoll l-enerġija ta' l-ilma u ġeotermika, u biex jagħmlu użu akbar tal-potenzjal ta' żvilupp eżistenti, inter alia permezz ta' inizjattivi ta' riċerka Ewropej u koordinazzjoni bis-saħħa tan-netwerks ta' eċċellenza;

48.

Jenfasizza l-potenzjal kunsiderevoli għall-użu tal-bijomassa sostenibbli għall-produzzjoni tal-enerġija bil-ħsieb li jonqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra, u jitlob għal strateġija Ewropea għall-isfruttament tal-bijomassa sostenibbli għall-produzzjoni tal-elettriku u l-gass, it-tisħin u t-tkessiħ;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti analiżi kompresiva tal-emissjonijiet kollha matul iċ-ċiklu ta' ħajja sħiħ tal-bijoenerġija sabiex jiġi determinat xi rwol jista' jkollha l-bijomassa bħala sors ta' enerġija fil-ġejjieni; iqis li l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-opportunitajiet li jġibu magħhom l-innovazzjonijiet ta' varjetajiet ġodda ta' tkabbir u l-użu tal-bioteknoloġija għat-titjib fil-kapaċità ta' tisħin tal-bijomassa għandhom jiġu eżaminati mingħajr preġudizzju għar-riżultat;

50.

Iqis li s-sħana u l-enerġija bħala alternattiva effettiva, ekonomika u ma tagħmlix ħsara lill-ambjent;

51.

Jagħraf l-approċċi differenti tal-Istati Membri rigward l-enerġija nukleari u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis b'mod speċjali skart radjuattiv u ċ-ċiklu sħiħ tiegħu, bil-ħsieb li tittejjeb is-sikurezza;

52.

Jikkunsidra li r-riċerka dwar kemm il-funżjoni nukleari hija teknoloġikament possibbli fir-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali huwa l-ewwel pass lejn l-objettiv ta' użu kummerċjali ta' din il-forma ta' enerġija, u jenfasizza li l-kisba ta' dan il-għan tiddependi ħafna mill-garanziji fuq perjodu ta' żmien twil tal-fondi għal din ir-riċerka;

53.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE jkabbru l-iżvilupp tat-teknoloġija CCS għall-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-faħam u bil-gass billi jagħtu inċentivi għall-proġetti ta' dimostrazzjoni u jħeġġu r-riċerka;

Bijofjuwils

54.

Jinnota li ċerti tipi ta' bijofjuwils tal-produzzjoni jista' jkollhom impatt fuq il-prezzijiet tal-ikel, tnaqqis fil-bijodiversità u tneħħija ta' siġar fil-foresti, u jinnota fl-istess ħin li l-produzzjoni tal-bijofjuwils għandha tkun waħda responsabbli u permezz ta' proċess sostenibbli li jista' jiġi ivverifikat;

55.

Iqis essenzjali li pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu involuti fi strateġija fuq perjodu ta' żmien twil għall-iżvilupp u l-produzzjoni tal-bijofjuwils, sabiex tiġi eżaminata l-possibiltà tal-ippjanar ekonomiku tagħhom u l-kapaċità li jġibu profitt, biex ikunu żgurati d-disponibiltà u l-produzzjoni tal-ikel, biex tingħata tweġiba għall-kwistjoni tas-sostenibiltà ambjentali tagħhom inkluża evalwazzjoni tal-impatti indiretti relevanti kollha u mhux l-inqas biex ikunu possibbli żviluppi soċjali u żidiet fid-dħul għal żmien twil, u wkoll biex ikun żgurat li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, jingħataw it-taħriġ meħtieġ sabiex ikunu f'qagħda li jissodisfaw il-kriterji ta' sostenibiltà tal-UE;

56.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-R&D ta' bijofjuwils avanzati, biex jiżguraw li jipprovdu l-fondi neċessarji u biex jorbtuhom ma' miri fissi għall-iżvilupp;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw l-esperjenza akkwistata mill-iżvilupp ta' kriterji ta' sostenibilità fi ħdan l-UE biex jippromwovu attivament l-iżvilupp ta' standard ta' bijofjuwils globali;

Effiċjenza fl-Enerġija

58.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mira obbligatorja ta' żieda ta' 20% f'effiċjenza tal-enerġija sal-2020 u żżid mal-proposta, miri konkreti temporanji ta' tnaqqis;

59.

Jistieden għal kampanja wiesgħa ta' informazzjoni pubblika bbażata lokalment biex titjieb l-effiċjenza tal-enerġija deċentralizzata, billi proprjetarji tad-djar u flettijiet ikunu forniti b'immaġini ta' tisħin u b'informazzjoni dwar ir-riżultati tal-enerġija għall-proprjetajiet tagħhom, kif ukoll b'rakkomandazzjonijiet għall-iffinanzjar tal-ħidma ta' modernizzazzjoni, fuq il-linji ta' mikrokrediti;

60.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi attivi biex iżidu t-tagħrif tal-importanza ta' ICTs biex itejbu l-effiċjenza fl-enerġija, żvilupp sostenibbli u l-kwalità tal-ħajja ta' ċittadini tal-UE;

61.

Jistieden għal sinerġija bejn sidien ta' proprjetà, fornituri ta' servizzi finanzjarji, il-ħaddiema tal-id u operaturi oħra fis-settur tal-proprjetà jista' jkun iġġenerat permezz ta' fieri kummerċjali, ġranet ta' informazzjoni u seminars;

62.

Jistieden għal koordinament ċar Ewropew għall-espansjoni tal-koġenerazzjoni u l-integrazzjoni tagħha fl-impjanti industrijali, biex ikunu ggarantiti punti ta' tluq lokali jew reġjonali għall-miżuri ta' protezzjoni tal-klima, u fl-istess ħin tiżdied l-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija;

63.

Jistieden lill-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji biex jintroduċi rati mnaqqsa ta' VAT għal enerġija li tiġġedded u għal prodotti u servizzi li jiffrankaw l-enerġija; jipproponi li l-Istati Membri joħolqu inċentivi għall-modernizzazzjoni permezz ta' tnaqqis fil-VAT fuq xogħol ta' modernizzazzjoni u tagħmir użat biex isir dan ix-xogħol, billi t-tassazzjoni fuq l-art u l-proprjetà tkun marbuta mal-effiċjenza tal-enerġija fil-bini u billi jiġu elaborati ċertifikati ta' effiċjenza fl-enerġija;

64.

Jipproponi li bħala sistema ta' inċentivi għall-modernizzazzjoni tal-proprjetà mikrija, it-tnaqqis fir-rati tat-taxxa fuq id-dħul mill-kiri b'konformità mal-ispejjeż tal-investiment;

65.

Jinnota, minħabba l-ħajja twila tal-bini, l-importanza kbira li jkun żgurat li bini ġdid jinbena skont l-ogħla standards possibbli ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li bini eżistenti jittejjeb għal standards kontemporanji, u li livelli minimi fl-użu ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu jintużaw fil-bini ġdid jew irrinovat kollu li jirrekjedi tisħin u tkessiħ;

66.

Jipproponi li l-Istati Membri itejbu u jespandu l-użu taċ-ċertifikati dwar l-effiċjenza fl-enerġija u jorbtu r-rakkomandazzjonijiet mal-inċentivi finanzjarji;

67.

Jistieden għal standards minimi tal-UE fl-effiċjenza tal-enerġija għall-bini ġdid u rrinovat; jistieden lill-awtoritajiet lokali u l-assoċjazzjonijiet professjonali rilevanti fl-Istati Membri biex jistabbilixxu l-kriterji, il-linji ta' gwida u l-leġiżlazzjoni nazzjonali jew id-deċiżjonijiet amministrattivi ta' effiċjenza tal-enerġija għal bini ġdid bħala gwida għal periti u inġiniera tal-kostruzzjoni, flimkien ma' regolamenti tal-bini għall-effiċjenza tal-enerġija ta' bini ġdid u għal xogħlijiet maġġuri ta' rinnovament;

68.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-kriterji minimi ta' effiċjenza tal-enerġija jiġu inklużi f'politika komprensiva ta' akkwisti pubbliċi għall-bini pubbliku, u servizzi fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, bħala mezz kif tiġi promossa l-innovazzjoni f'teknoloġiji ġodda u jiġi żgurat l-aċċess għas-suq;

69.

Jitlob li jkunu ppubblikati studji disponibbli dwar l-impatt tal-karbonju u t-tnaqqis potenzjali tal-enerġija tal-istituzzjonijiet Ewropej u li dawn l-istudji jkunu aċċessibbli faċilment għall-utenti fuq il-websites relevanti tagħhom;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ attiv għall-R&D relatat mat-teknoloġiji tad-dawl u l-applikazzjonijiet intelliġenti tad-dawl, biex l-introduzzjoni ta' dawl aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija fl-ispazji pubbliċi kemm interni kif ukoll esterni – b'enfasi fuq dijodi li jarmu d-dawl b'effiċjenza kbira (LEDs) – ikun promoss b'aktar qawwa;

71.

Jinnota li r-rinovazzjoni u t-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija għal blokki ta' bini għoljin speċjalment f'dawk il-pajjiżi fejn tali bini jifforma l-parti l-kbira tas-suq tad-djar, huma l-eħfef mod biex tkun iffrankata l-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2; jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi u żżid il-limitu eżistenti attwalment ta' 2% tal-fondi strutturali applikabbli għall-għotjiet għar-rinovazzjoni tal-blokki ta' bini għoljin;

72.

Jinnota li l-mira għal medda twila ta' żmien għas-settur tal-bini fl-Ewropa għandha tkun prestazzjoni netta ta' żero fl-enerġija għall-bini residenzjali ġdid sal-2015 u bini kummerċjali u pubbliku ġdid sal-2020, u jikkunsidra li l-mira għandha tkun estiża biex tkopri bini rrinovat;

73.

Jistieden lill-Kummissjoni taġġusta r-rekwiżiti ta' effiċjenza tal-enerġija għat-tagħmir elettriku u elettroniku ma' kull żvilupp fis-suq mill-inqas kull ħames snin billi jkun segwit il-prinċipju tat-top runner, taġġorna programmi ta' tikkettar u klassijiet ta' effiċjenza eżistenti tat-tagħmir u b'hekk tipproteġi lill-konsumatur minn informazzjoni mhux preċiża;

74.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi miri stretti tal-UE u tistabbilixxi politiki industrijali integrati mfassla biex jiżguraw l-aċċess għas-suq u l-adozzjoni ta' teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija, inkluż l-iżvilupp ta' objettivi teknoloġiċi komuni (bħal djar passivi), użu akbar ta' strateġiji tal-politika integrati bħas-swieq mexxejja u l-akkwist pubbliku aħdar, u appoġġ għal regolazzjoni fl-ambitu tad-disinn tal-prodott u standards minimi;

75.

Jitlob lill-Kummissjoni timplimenta b'mod konsistenti l-projbizzjoni fuq l-apparat b'telf għoli minħabba l-istand-by u, bħala l-pass li jmiss fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Eco-design (7), biex tikkunsidra li tagħmilha obbligatorja li l-apparat ikollu funzjoni biex jintefa, u biex tobbliga lill-manifatturi jinstallaw funzjonijiet fejn il-makkinarju jintefa awtomatikament u jiffranka l-enerġija anki f'impjanti kbar motorizzati u f'tagħmir u makkinarju għall-użu industrijali;

76.

Iħeġġeġ l-implimentazzjoni bikrija u stretta ħafna tar-rekwiżiti tal-2006 rigward l-installazzjoni ta' mijters smart biex jitkabbar l-għarfien tal-konsumaturi rigward l-użu tal-elettriku u jgħinu lill-fornituri tal-elettriku biex ikollhom ġestjoni aktar effettiva tad-domanda;

Mobiltà u loġistika

77.

Jinnota li l-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew huwa bbażat fuq il-garanzija tal-mobilità u d-disponibilità ta' persuni u merkanzija filwaqt li tingħata prijorità lill-effiċjenza tal-ħin aktar milli l-effiċjenza tar-riżorsi, u li approċċ ikkombinat li juża ż-żewġ fatturi għalhekk ikun neċessarju fil-ġejjieni;

78.

Jistieden lill-Bank Ewropew tal-Investiment u s-sussidjarja tiegħu tal-kapital ta' riskju, il-Fond Ewropew tal-Investiment, biex iwessgħu b'mod sinifikanti l-appoġġ tagħhom għall-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta' enerġija li tiġġedded;

79.

Ifakkar lill-operaturi kkonċernati li s-settur tat-trasport ukoll għandu jkun konformi mal-miri tal-klima tal-EU li l-emissjonijiet tas-CO2 jitnaqqsu b'mill-inqas 20% sal-2020, u jekk ikun hemm ftehima internazzjonali b'mill-inqas 30%, fil-konfront tal-1990 u jżid l-effiċjenza tal-enerġija b'20% matul l-istess perjodu;

80.

Jistieden għal politika mħallta komprensiva ta' miżuri li jappoġġjaw lil xulxin favur politika tat-trasport sostenibbli li tinkludi l-iżvilupp ta' teknoloġija tal-vetturi (innovazzjoni ekoloġikament effiċjenti), żieda fl-użu ta' sorsi ta' enerġija alternattiva għat-trasport, il-ħolqien ta' netwerks ta' distribuzzjoni għal fjuwils nodfa, aktar użu ta' forom alternattivi ta' propulsjoni, immaniġġjar intelliġenti tat-traffiku, bidliet fl-istil tas-sewqan u fl-użu tal-karozzi privati, titjib fil-loġistika, “kurituri ħodor” u TIC għat-trasport, taxxa fuq is-CO2 u l-immodernizzar tat-trasport pubbliku sabiex tinkiseb il-mira ta' żero emissjonijiet mingħajr ma tkun injorata l-ħtieġa li żdiedet għall-mobilità; jiġbed l-attenzjoni li dawn kollha tista' ssir promozzjoni tagħhom permezz ta' preferenzi ċari fl-akkwist pubbliku;

81.

Iqis li prijorità speċjali trid tingħata lill-applikazzjoni tal-prinċipju li min iniġġes iħallas, u jitlob li l-forom kollha tat-trasport ikunu involuti totalment fl-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tagħhom; jenfasizza li l-kisba ta' din il-mira se tirrikjedi ambjent ekonomiku adegwat, u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri biex jirrevedu t-taxxi u d-dazji konċernati;

82.

Jilqa' b'sodisfazzjon L-inventarju tal-Kummissjoni għal trasport aktar ekoloġiku (Greening Transport Inventory), li jelenka kemm il-leġiżlazzjoni eżistenti u dik meħtieġa fil-ġejjieni għat-tkabbir sostenibbli fis-settur tat-trasport;

83.

Jenfasizza l-importanza ta' proġetti ta' infrastruttura għas-settur ta' trasport; iżda jistieden biex jitqies l-impatt tal-klima potenzjali fl-ippjanar, fid-disinn u fil-kostruzzjoni fil-futur;

84.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jisfruttaw il-potenzjal tas-sistemi tan-navigazzjoni bis-satellita bil-għan li tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija fil-qasam tat-trasport billi jitjiebu l-ġestjoni u l-organizzazzjoni tal-flussi tat-traffiku, forniment ta' tagħrif fil-ħin reali rigward il-moviment tal-prodotti u l-persuni, u ssir għażla ottimizzata tar-rotot u l-mezzi tat-trasport;

85.

Jiddispjaċih li l-isfidi tal-ippjanar tal-ibliet bi trasport effiċjenti u favur l-ambjent b'żoni pedonali, passaġġi għaċ-ċiklisti u kollegamenti flessibbli mat-trasport pubbliku lokali f'ħafna postijiet ġew indirizzati b'mod insuffiċjenti jew tard wisq, jew ġew implimentati b'mod parzjali biss;

86.

Jitlob lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet u l-awtoritajiet lokali

biex joffru alternattivi flessibbli u koordinati ta' l-użu tal-karozzi privati u biex jestendu l-iskemi ta' mobilità, pereżempju billi jikkollegaw netwerks ċentrali u periferali tat-trasport lokali li diġà jeżistu aktar mill-qrib u jużaw regolamenti tat-traffiku biex tingħata prijorità lit-trasport pubbliku fit-traffiku taċ-ċentru tal-ibliet;

jespandi ħafna u jtejjeb is-servizz ġenerali, jippromwovi bidla lejn mezzi li jagħmlu inqas ħsara għall-ambjent, permezz tal-prezzijiet u inċentivi oħra u permezz ta' investimet sostanzjali fl-infrastruttura neċessarja biex b'hekk it-trasport pubbliku isir aktar attraenti;

u sadanittant, fil-perjodu intermedjarju, jitlob li jsir titjib fl-integrazzjoni tat-trasportazzjoni privata/individwali mal-loġistika integrata tal-passiġġieri/merkanzija u sistemi ta' trasport kollettivi/pubbliċi u jinsab konvint li l-investiment fl-infrastruttura ferrovjarja għandha timxi id f'id ma' servizz ferrovjarju aħjar;

87.

Jenfasizza l-importanza ta' sistemi intelliġenti ta' mmaniġġjar tat-traffiku fl-interess tal-ko-modalità u l-integrazzjoni tagħhom fil-politika Komunitarja, nazzjonali, reġjonali u lokali tat-trasport, peress li jwasslu għal trasport aktar sikur u aktar favur l-ambjent transport; jistieden l-iżvilupp u l-użu ta' sistemi intelliġenti tat-trasport għall-ġestjoni tat-traffiku u biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku;

88.

Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jaħdmu mill-qrib flimkien mal-industrija biex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa tal-politika tas-suq bil-ħsieb li jinkorporaw sistemi intelliġenti tat-trasport, partikolarment l-immaniġġjar tal-loġistika u s-sikurezza (ERTMS, RIS, eCall), fl-immaniġġjar tat-trasport;

89.

Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu l-komodalità billi jintroduċu pjanċi tan-numru trasferibbli f'konformità mal-eżempji eżistenti, biex issir aktar attraenti għaċ-ċittadini li jużaw il-ferroviji għal vjaġġi twal u karozzi ta' użu lokali li jiffrankaw l-enerġija fil-punt tat-tluq u fid-destinazzjoni tagħhom;

90.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni li ġiet adottata dan l-aħħar li tistabbilixxi miri għall-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi, li tiġi ffissata mira ta' emissjonijiet fuq perjodu twil ta' żmien ta' 95 gCO2/km sal-2020;

91.

Jenfasizza l-potenzjal tat-trasport bil-ferrovija bħala mezz ta' trasport b'użu baxx tal-karbonju u effiċjenti fl-enerġija, kemm bħala trasport tal-merkanzija fuq distanza twila u għat-trasport tal-passiġġieri fuq distanzi qosra u medji u fuq distanzi reġjonali; u jitlob li tali prijoritajiet ikunu riflessi fil-kriterji tal-appoġġ għal fondi reġjonali u ta' koeżjoni;

92.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien u l-estensjoni fi ħdan l-UE, kif ukoll fil-pajjiżi tal-viċinat, tan-netwerks Tranżewropej tat-Trasport (TEN-T) u jitlob li jitlestew il-proġetti ta' prijorità, b'mod partikolari dawk li l-inqas li jagħmlu ħsara lill-ambjent, kemm jista' jkun malajr, peress li dawn huma kruċjali għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija u politika Ewropea sostenibbli tat-trasport;

93.

Jenfasizza l-irwol importanti tal-kanali bl-ilma fl-intern għat-trasport tal-prodotti; jenfasizza n-natura ta' ħarsien tal-ambjent ta' dan is-settur u l-fatt li għandu kapaċità kbira ta' ġarr mhux utilizzata';

94.

Jiddispjaċih li, minkejja l-firxa, fl-interess tas-settur tat-trasport kollu, biex proporzjon kbir tal-merkanzija jiġi ttrasferit fuq il-binarji u l-kanali bl-ilma fl-intern, l-investimenti fl-espansjoni tat-trasport bil-ferrovija naqsu fl-għaxar snin li għaddew;

95.

Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-pjan tagħha li tidentifika, flimkien mal-Istati Membri, rotot speċjali “fuq il-baħar” u għandu tamiet kbar rigward “L-Ispazju Ewropew mingħajr Ostakli għat-Trasport Marittimu” previst, fil-promozzjoni tat-trasport bil-baħar fl-Ewropa u fiż-żieda tal-effiċjenza tiegħu;

96.

Jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni biex jiżdiedu t-tariffi tal-portijiet u l-ħlasijiet tal-irmiġġ fuq il-bażi tal-livell ta' emissjonijiet tal-vapuri, u biex jiżguraw li l-enerġija li tiġi fornita lill-vapuri fil-port tiġi mill-art u mhux mill-ġeneraturi tal-enerġija fuq il-vapuri stess;

97.

Huwa tal-fehma li t-tarzni u s-sidien tal-bastimenti għandhom iqisu b'aktar attenzjoni t-teknoloġiji ġodda li jżidu l-effiċjenza bħall-użu tal-qlugħ (kite sails), l-isfruttament ta' l-isħana mormija għall-produzzjoni tal-elettriku, magni aktar effiċjenti, profili aħjar għall-buq u t-tmun, previżjonijiet tat-temp aktar preċiżi biex isiru aġġustamenti tar-rotta, u l-possibilità ta' ffrankar ta' fjuwil permezz taż-żebgħa tal-buq;

98.

Jitlob lill-Organizzazjoni Marittima Internazzjonali (IMO) biex taqbel fuq mira ta' tnaqqis fi ħdan l-industrija tat-tbaħħir u biex tiddetermina standards minimi għall-użu ta' dawn it-teknoloġiji moderni fil-kostruzzjoni ta' bastimenti ġodda;

99.

Iqis li hemm il-ħtieġa għal approċċ integrat fis-settur tal-avjazzjoni li jimpenja l-industrija tal-ajruplani, il-linji tal-ajru u l-operaturi ta' l-ajruporti biex flimkien jiddeterminaw mira ta' tnaqqis ta' emissjonijiet mill-aktar fis u mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2013; hu tal-opinjoni li l-approċċ integrat għandu jkopri r-riċerka u t-teknoloġija, it-titjib fl-operat u skema globali għall-iskambju tal-emissjonijiet li għandha tissejjes fuq is-sistema tal-UE għall-iskambju tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni;

100.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jespandu kemm il-Ajru Uniku Ewropew u l-Proġett SESAR) bl-akbar effiċjenza possibbli qabel ma tibda l-iskema tal-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet għas-settur tal-avjazzjoni, biex jagħtu prijorità lill-ħolqien ta' reġjuni ta' spazju tal-ajru funzjonali u flessibbli u lill-użu flessibbli ta' l-ispazju tal-ajru b'mod ġenerali, bil-ħsieb li jiġu sfruttati immedjatament il-potenzjali disponibbli għat-tnaqqis u jonqos il-konsum tal-fjuwil tal-ajruplani sa 12%;

101.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għall-R & D fl-ambitu ta' teknoloġiji tat-trasport innovattivi li jħarsu l-ambjent, bħal dawk bl-idroġenu, bl-elettriku, biċ-ċelloli tal-fjuwil, bl-ibridi jew bijofjuwils avvanzati għall-propulsjoni u materjali alternattivi, teknoloġiji ġodda u soluzzjonijiet IT li jistgħu jnaqqsu l-piż u jżidu l-effiċjenza tal-karozzi;

102.

Jitlob lill-manifatturi tas-sistemi ta' propulsjoni u magni għas-settur tat-trasport biex jaħdmu flimkien skond l-istandards tal-Euro-6, iżda lilhinn minn dawn l-istandards ukoll, biex ikomplu jżidu l-effiċjenza tal-enerġija ta' dawn il-magni tagħhom, biex jiffissaw miri fi ħdan l-industrija għal żjieda kbira fl-effiċjenza u biex ikomplu bir-riċerka fl-użu ta' fjuwils alternattivi, sabiex jikkontribwixxu għal tkabbir aktar sostenibbli tal-industrija;

103.

Jistieden lill-produtturi tal-karozzi biex jibdlu l-flotot tagħhom għal mudelli iżgħar, eħfef, aktar effiċjenti biex jippermettu l-mobilità individwali skont il-limitazzjonijiet tal-bidla fil-klima u riżorsi taż-żejt limitati;

104.

Jistieden lill-industrija tal-armamenti biex teżamina wkoll titjib li jista' jsir fil-magni u s-sistemi ta' propulsjoni tagħhom u biex tirriċerka l-possibilitajiet ta' l-użu ta' fjuwils alternattivi;

105.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha biex jadottaw qafas ta' appoġġ speċifiku għall-idroġenu biex jiżguraw li l-produzzjoni ta' vetturi li jaħdmu bl-idroġenu titħaffef b'mod imgħaġġel; iqis li l-qafas għandu jindirizza l-kwistjonijiet ta' żieda fl-appoġġ baġitarju mill-UE għall- applikazzjonijiet ta' użu finali tal-idroġenu, il-provvediment mill-Istati Membri ta' appoġġ għal skjerament speċifiku għall-idroġenu permezz ta' miżuri finanzjarji bħal l-inċentivi tat-taxxi, u l-ħolqien ta' swieq bikrija permezz tal-akkwist ta' vetturi bla ebda emissjonijiet mis-servizzi tal-gvern;

106.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal rapport sal-2010 dwar ir-restrizzjonijiet li għadhom jeżistu rigward il-kabotaġġ u fatturi oħra fl-Unjoni Ewropea li jwasslu għal vjaġġi mingħajr tagħbija u telf ta' effiċjenza fis-Suq Intern; jemmen li l-loġistika tal-merkanzija effiċjenti u effettiva, użata bħala parti integrali mis-sistema tat-trasport tal-UE, hija ċ-ċavetta għal mobilità sostenibbli fl-Ewropa, għall-effiċjenza ekonomika u l-kompetittività, għall-aħjar użu tar-riżorsi tal-enerġija, għall-ħolqien tal-impjiegi, għall-ħarsien tal-ambjent u għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;

Turiżmu u wirt kulturali

107.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-wirt kulturali u l-pajsaġġi tradizzjonali fl-Ewropa huma mhedda mill-fenomenu tat-temp estrem u l-bidla fil-klima fuq perjodu ta' żmien twil, u jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu lista uniformi, ikkoordinata fil-livell Ewropew, tas-siti ta' wirt kulturali Ewropew mhedda mill-bidla fil-klima;

108.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u r-reġjuni fejn hemm żoni marbuta mal-istaġuni turistiċi sensittivi għall-klima, fejn ma jeżistux alternattivi reali ta' offerti, biex jieħdu miżuri kompresivi ta' adattament u prevenzjoni bħas-sikurezza tal-forniment tal-ilma, il-protezzjoni kontra n-nirien fil-foresti, it-teħid ta' prekawzjonijiet biex ma jinħallux il-glaċieri u titjib tad-difiża tal-kosta, biex jirreflettu l-importanza ekonomika tat-turiżmu u tal-infrastruttura neċessarja għall-impjiegi u d-dħul finanzjarju, u biex jirreaġixxu kontra l-ħsara ekonomika sinifikanti matul il-katina sħiħa ta' valuri;

109.

Iqis li f'ċerti reġjuni aktar tkabbir tat-turiżmu jagħmel sens ekonomiku biss hu huwa ġustifikabbli ekoloġikament jekk fl-iżvilupp futur tal-lokal jiġu kkunsidrati l-effetti mistennija tal-bidla fil-klima – bħan-nuqqas aktar serju tal-ilma, nuqqas ta' silġ jew l-għejbien tal-glaċieri;

110.

Jitlob lill-industrija tat-turiżmu biex flimkien mal-awtoritajiet lokali u l-assoċjazzjonijiet ekonomiċi, jaħdmu fuq strateġiji integrati bil-ħsieb li jonqsu l-emissjonijiet u titjieb l-effiċjenza tal-enerġija tas-settur, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasport u l-akkomodazzjoni, u biex jippjanaw miżuri li jippromwovu l-eko-turiżmu, inkluż l-iżvilupp ta' turiżmu soċjali, turiżmu sportiv jew turiżmu kulturali u destinazzjonijiet ta' eċċellenza li jirrispettaw u jipproteġu l-ambjent;

Emissjonijiet ta' l-industrija

111.

Jistieden għall-inklużjoni ta' verifiki dwar il-bidla fil-klima fuq il-post tax-xogħol fir-rappurtaġġ tal-istandards ta' kumpaniji biex titjieb it-trasparenza fil-monitoraġġ tal-politika ambjentali u t-tnaqqis tal-emissjonijiet;

112.

Jitlob li l-entitajiet kummerċjali u mhux kummerċjali kollha jirrappurtaw pubblikament, fuq bażi annwali, dwar l-ammont tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra, il-miżuri meħuda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra, l-attivitajiet li jsiru biex ħaddiema jitħarrġu għal impjieg ieħor (fil-każ li jagħlaq il-post tax-xogħol tagħhom minħabba tnixxija evidenzjata ta' karbonju) u dħul miġbur mill-operazzjonijiet tal-iskema ta' skambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja dawn l-attivitajiet u tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress li jsir mis-setturi industrijali biex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet;

Biedja u tkabbir ta' annimali

113.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra, mingħajr ma tippreġudikax r-riżultat, l-inklużjoni espliċita tal-biedja f'politika Ewropea integrata dwar il-klima għall-ġejjieni u l-elaborazzjoni ta' miri għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra inkluż il-metanu u n-nitrous oxide mis-settur tal-agrikoltura, bl-esplojtazzjoni tal-potenzjal kollu eżistenti;

114.

Jinnota li l-aqwa livell ta' mmanniġjar tal-art iżid il-kontenut tal-humus fil-ħamrija u li jekk jitjieb l-immaniġġjar tal-koltivazzjoni u tiġi evitata art li ma tiġix ikkoltivata, dik l-art li tinħadem jista' jkollha sehem akbar ħafna fil-ħżin tal-karbonju;

115.

Huwa tal-fehma li l-aqwa livell ta' ħżin u l-applikazzjoni ta' fertilizzant minerali jistgħu jagħtu kontribut sinifikattiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ossidu nitriku; jitlob li f'dan il-kuntest tissaħħaħ il-fertilizzazzjoni b'taħlita organika minflok l-użu ta' fertilizzant minerali;

116.

Jitlob għal analiżi ekonomika tal-kapaċità ta' profitt ta' ċerti prattiki ta' koltivazzjoni reġjonali taħt kundizzjonijiet klimatiċi differenti sabiex jiġu identifikati possibilitajiet ta' adattament u tiġi ffaċilitata l-bidla għal uċuħ ġodda adattati;

117.

Huwa tal-opinjoni li l-prattika agrikola għandha tikkunsidra l-bidla fil-klima u jitlob li jkun hemm fondi għar-riċerka u l-iżvilupp ta' metodi ġodda u li jagħmlu inqas ħsara għall-ambjent għall-kultivazzjoni u l-immaniġġjar tal-irziezet; Jitlob ukoll li titwettaq riċerka f'oqsma ġodda tat-teknoloġiji, fil-bijoteknoloġija fil-qasam taż-żrieragħ, fit-tkabbir tal-pjanti, fit-tekonoloġija ġenetika “green” u fil-protezzjoni tal-pjanti u jitlob li jkun hemm politika ta' ħarsien tal-klima għall-biedja li tinkludi seminars, programmi edukattivi, skemi pilota u mmaniġġjar tal-għarfien ġdid kemm tal-art u kemm tal-ilma għall-bdiewa;

118.

Jirrikonoxxi li l-kultivazzjoni taċ-ċereali u tas-soja bħala għalf għall-annimali hija responsabbli għal ammont kunsiderevoli ta' emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra; ifakkar ir-rapport li jismu “Livestock's Long Shadow” maħruġ mill-Organizzazzjoni għall-Ikel u l-Agrikultura tan-NU f'Novembru 2006, li jgħid l-industrija tat-trobbija tal-annimali hija responsabbli għal 18% tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra fid-dinja;

119.

Jistieden għar-reviżjoni tal-għalf fir-rigward tal-produzzjoni tal-ħalib u l-laħam, u fejn ikun meħtieġ jiġi mtejjeb, bil-għan li jinkiseb tnaqqis fil-formazzjoni tal-metan fil-kirxa (rumen) tar-ruminanti; jitlob li kwalunkwe miżura dwar għalf u trobbija fil-qasam tal-annimali tiġi suġġetta għal evalwazzjoni tal-impatt fuq is-saħħa u l-benesseri tal-annimali u biex miżuri bħal dawn ma jiġux introdotti jekk ikollhom effetti negattivi fuq l-annimali kkonċernati;

120.

Jirrikonoxxi li l-espansjoni tas-sistemi tal-bijogass biex jakkwistaw l-enerġija billi jipproċessaw demel likwidu tista' tagħti kontribut ekonomikament possibbli u ekoloġikament sinifikattiv biex jonqsu l-emissjonijiet tal-metan fit-tkabbir tal-annimali;

Foresti

121.

Huwa tal-opinjoni li l-objettiv tal-politika futura Ewropea dwar il-klima m'għndhiex tkun biss il-konservazzjoni tal-foresti tropikali u l-foresti boreali li fadal iżda wkoll il-ħarsien u r-riforestazzjoni tal-foresti Ewropej; jenfasizza li firxiet ta' boskijiet protettivi madwar żoni urbani kbar u ċentri industrijali jistgħu jkollhom rwol importanti;

122.

Huwa tal-fehma li jekk il-fatt li tiġi evitata d-distruzzjoni tal-foresti għandu jkun effettiv biex jonqsu l-emissjonijiet, għandha tiġi fformulata sistema ta' kumpens għall-foresterija permezz tal-UNFCCC, u jitlob għal inċentiv ekonomiku ċar biex jiġu ppreservati b'mod permanenti l-foresti verġni jew iż-żoni kbar ta' foresti billi jiġu użati b'mod sostenibbli, u billi l-valur ta' żona ta' foresta jiġi evalwat b'aktar reqqa skond is-“servizzi ekoloġiċi” u l-funzjonijiet soċjali ġenerali li jwettaq;

123.

Jistieden, fir-rigward tas-suq globali tas-CO2, qabel kollox lil dawk il-pajjiżi li għad fadlilhom żoni kbar ħafna bil-foresti naturali biex jagħtuhom inċentivi ekonomiċi partikolari biex jiġu ppreservati billi jkun rikonoxxut il-karbonju akkumulat kull sena f'foresti ppreservati b'mod rigoruż; jissuġġerixxi li jiġi eżaminat jekk jagħmilx sens, f'dan il-kuntest, li wieħed jiffoka esklussivament fuq il-foresti tropikali;

124.

Jistieden lill-UE, biex, b'kooperazzjoni mal-komunità internazzjonali, tistabbilixxi sistemi ta' monitoraġġ ibbażati fuq is-satellita u l-infrastruttura nneċessarja biex tiżgura fuq perjodu ta' żmien twil is-sopravvivenza tal-foresti tropikali b'mod partikolari; jitlob għall-ħolqien ta' fond globali taħt il-patroċinju tal-Bank Dinji għall-ħolqien ta' sistemi ta' monitoraġġ;

125.

Jikkunsidra li s-suċċess tas-sistemi globali ta' monitoraġġ għall-ħarsien tal-foresti jkun iggarantit biss jekk jiġu stabbiliti l-appoġġ istituzzjonali meħtieġ u l-awtoritajiet amministrattivi b'persunal ikkwalifikat u dawn jinżammu għal żmien twil;

126.

Jimmarka f'dan il-kuntest, il-bżonn ta' programmi ta' monitoraġġ fil-foresti Ewropej biex tiġi identifikata minn kmieni l-ħsara mill-annimali u biex isir mudell xjentifiku ta' riskju fir-rigward taz-zoni bis-siġar soġġetti għas-sħana, in-nirien u n-nixfa, sabiex ikun possibbli li jittieħdu kontromiżuri xierqa biex tiġi mħarsa l-foresta;

127.

Huwa tal-fehma li l-inventarji tal-foresti nazzjonali tal-Istati Membri huma sors ta' informazzjoni importanti bil-ħsieb li tiġi analizzata l-kundizzjoni ġenerali tal-foresta Ewropea u l-importanza tagħha bħala CO2 sink; jistieden lill-Kummissjoni biex mhux biss tagħmel pressjoni biex tinġabar u tiġi evalwata data mill-Istati Membri imma wkoll biex tieħu vantaġġ mill-aħjar prassi eżistenti fl-Istati Membri;

128.

Jinnota li, ibbażat fuq l-attributi taċ-ċiklu tal-ħajja l-injam jista' fil-prinċipju jkun għażla 'aktar ambjentali' fil-kostruzzjoni pjuttost milli l-azzar u l-konkrit, minħabba li jassorbi d-dijossidu tal-karbonju, jeħtieġ inqas enerġija fil-produzzjoni minn alternattivi oħra, u l-prodotti derivati jistgħu jintużaw fil-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded; jifhem, madankollu, li dan jeħtieġ li l-injam utilizzat ikun inħasad b'mod sostenibbli, li llum x'aktarx li ma jkunx il-każ; jistieden, għalhekk, lill-UE biex tadotta bla dewmien leġiżlazzjoni biex jitnaqqas ir-riskju li jitqiegħed fis-suq tal-UE injam li jkun inħasad b'mod illegali u mhux sostenibbli;

129.

Jisħaq fuq il-firxa wiesgħa tal-użu li jista' jsir mill-foresti kif ukoll fuq il-bosta benefiċċji li jħallu; jistieden lill-UE biex tiddefinixxi l-kriterji għall-użu sostenibbli tal-bijomassa;

130.

Jenfasizza li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, bl-użu ta' miri soċjali, ekonomiċi u ambjentali wesgħin ħafna, għandha tkun implimentata fl-UE; jinnota li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha għanijiet fit-tul biex iżżid il-ħażna ta' karbonju tal-foresti; jinnota wkoll li foresti ġodda, li għadhom jikbru u li huma ġestiti tajjeb huma sinks tajbin tal-karbonju u b'hekk jikkunsidra li fejn is-siġar tal-foresti qegħdin jinqatgħu, għandu jsir tħawwil mill-ġdid biex jieħu post dawk is-siġar li jinqatgħu; jikkunsidra li fl-istess ħin aktar foresti antiki għandhom ikunu mħarsa, minħabba li għandhom sehem vitali fiż-żamma tal-bijodiversità;

Protezzjoni tal-ħamrija

131.

Jirrakkomanda li jiġu estiżi l-istudji xjentifiċi u l-monitoraġġ tal-kundizzjoni tal-ħamrija biex tkun tista' tittieħed azzjoni f'waqtha kontra l-erożjoni, it-telf ta' art agrikola u l-bijodiversità;

132.

Jistieden lill-Kunsill biex jadotta l-pożizzjoni komuni tiegħu dwar il-pożizzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Novembru 2007 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas dwar il-ħarsien tal-ħamrija u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (8) (id-Direttiva Qafas dwar il-ħarsien tal-ħamrija) sabiex jintroduċi strument komunitarju ġenwin biex jikkumbatti l-effetti tad-deforestazzjoni, l-erożjoni u d-deżertifikazzjoni;

133.

Jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu politika ta' protezzjoni tal-ħamrija b'metodi xierqa ta' trattament tal-ħamrija, filwaqt li jikkunsidraw l-importanza tas-sustanzi organiċi fil-ħamrija għall-fertilità tagħha, il-kapaċità li żżomm l-ilma u li tiffunzjona bħala bir tal-karbonju, u jikkunsidraw il-possibilitajiet tal-użu tal-biochar;

134.

Jimmarka f'dan ir-rigward l-importanza tal-approċċ tal-ekosistema biex tiġi evitata u ristretta l-erożjoni tal-ħamrija, il-qerda tal-permafrost, id-deżertifikazzjoni, l-invażjoni ta' speċji barranin u n-nirien;

Immaniġġjar tal-ilma

135.

Huwa tal-opinjoni li l-ippjanar strateġiku u l-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma ibbażati fuq miżuri tal-fornitura u ġerarkija tal-użu tal-ilma huma kruċjali biex wieħed jilqa' b'suċċess għall-effetti tal-bidla fil-klima fuq id-disponibilità u l-varjabilità tar-riżorsi tal-ilma;

136.

Jitlob lill-Kummissjoni tassumi rwol importanti ta' koordinazzjoni transkonfinali fl-immaniġġjar tal-ilma, b'mod partikolari bil-ħolqien ta' netwerk u l-iffinanzjar tar-riċerka f'teknoloġiji innovattivi għad-desalinazzjoni tal-ilma tal-baħar, sistemi ġodda ta' tisqija u konsum tal-ilma mill-biedja u l-ambjent urban, u proġetti pilota biex inaqqsu l-ħsara min-nixfiet jew l-għargħar;

137.

Jikkunsidra li, biex ikun hemm inċentivi adegwati biex ir-riżorsi tal-ilma jintużaw b'mod effiċjenti, l-Istati Membri għandhom, fil-politika tagħhom dwar l-ilma, jikkunsidraw il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma u l-hekk imsejjah ħlas mill-konsumatur li jniġġes (“polluter pays”);

Sajd

138.

Jenfasizza li l-prattika attwali tas-sajd tkompli tnaqqas il-kapaċità ta' reżistenza tal-istokkijiet tal-ħut u tal-ekosistemi tal-baħar għall-impatt tal-bidla fil-klima; jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi kwoti tal-qbid għas-sajd industrijali bbażati fuq kriterji ta' sostenibilità u jinsisti li l-Kunsill u l-Istati Membri kkonċernati jirrispettaw il-kwoti proposti.

139.

Huwa tal-fehma li pjan ta' qafas komprensiv għall-baħar, kif definit fid-Direttiva dwar l-Istarteġija Marittima (9), huwa neċessarju biex ikun iggarantit aħjar immaniġġjar sostenibbli ta' l-ambjent u r-riżorsi tal-baħar; iwissi li nkella ż-żoni ta' protezzjoni tal-baħar Ewropej isiru l-aħħar oażi tal-bijodiversità f'oċean vojt u bla ħajja;

140.

Huwa tal-opinjoni li l-bidliet ambjentali li rriżultaw minħabba l-bidla fil-klima jistgħu ifissru li l-akkwakultura trid tiġi rijallokata, li jkun ta' żvantaġġ ekonomiku għall-postijiet fejn tinsab; iwissi, madankollu, li riallokazzjoni tal-akkwakultura jista' jkollha effetti negattivi fuq l-ekosistemi kkonċernati u f'dan ir-rigward jitlob għal evalwazzjonijiet tal-impatt obbligatorji;

Immaniġġjar tal-iskart u tar-riżorsi

141.

Jirrikonoxxi li l-ġerarkija tal-iskart hija aspett ewlieni tal-politika Ewropea tal-iskart; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi miri ta' tnaqqis ta' perċentwali fuq tnaqqis, użu mill-ġdid u riċiklaġġ ta' skart; jisħaq li l-miri jiġu riveduti u jsiru aktar stretti fejn meħtieġ;

142.

Jinnota li l-prevenzjoni tal-iskart, pereżempju b'użu anqas tal-imballaġġ, hija l-aħjar mod biex jonqsu l-emissjonijiet diretti tas-settur; jisħaq madankollu li l-prevenzjoni tal-iskart fit-tul jitlob bidla fil-metodi ta' produzzjoni u l-użanzi dwar il-konsum;

143.

Jenfasizza li s-separazzjoni separata tal-bijoskart r-riċiklaġġ tal-materjal jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-prevenzjoni ta' emissjonijiet diretti mil-landfills;

144.

Iqis li jagħmel sens li, sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet diretti mis-settur tal-iskart, għandu jiġi evitat li l-iskart jiġi ttrasportat għal distanzi twal; huwa tal-fehma li t-trasport transkonfinali tal-iskart domestiku separat fl-UE, għalhekk, għandu jkun imnaqqas għal-livelli minimi; jemmen li esportazzjonijiet illegali ta' materjal li jista' jiġi rriċiklat għandhom jiġu kumbattuti biex tiġi evitata l-esportazzjoni tal-emissjonijiet u materja prima prezzjuża tibqa' fl-UE;

145.

Jikkunsidra li, wara perjodu ta' phasing-out, l-Istati Membri għandhom jieqfu kompletament fuq perjodu ta' żmien medju mill-jordmu skart mhux separat mid-djar fil-landfills, peress li użu aħjar ta' sistemi ta' riċiklaġġ eżistenti jew l-iżvilupp ta' sistemi kompletament ġodda itejbu t-trattament tal-iskart b'mod ġenerali u jisfruttaw il-potenzjal eżistenti għat-tnaqqis tal-gassijiet b'effett ta' serra fuq il-bażi tat-teknoloġija eżistenti; jitlob f'dan ir-rigward għall-qbid obbligatorju tal-metan għall-produzzjoni tat-tisħin fuq landfills eżistenti;

146.

Iqis l-irkupru ta' enerġija minn skart fdal f'impjanti dedikati biex l-iskart jinbidel f'enerġija u l-irkupru ta' enerġija minn skart separat minn qabel partikolarment flimkien mas-sistemi ta' koġenerazzjoni b'kontrolli ta' emissjonijiet stretti bħala possibilità effettiva ħafna biex tiġi rkuprata l-enerġija li tista' tintuża biex tnaqqas indirettament l-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra u tissostitwixxi fjuwils fossili;

147.

Jikkunsidra li t-titjib tal-R&D dwar it-trattament tal-iskart u s-soluzzjoni tal-ġestjoni tar-riżorsi huwa vitali u jenfasizza l-ħtieġa għall-applikazzjoni immedjata ta' teknoloġiji innovattivi ġodda f'dan il-qasam;

148.

Jirrikonoxxi, fil-kuntest tan-negozjati dwar ftehim ta' wara l-2012 u l-involviment ta' pajjiżi terzi, li applikazzjoni aktar konsistenti tal-istandards Ewropej tat-trattament tal-iskart huw mod possibbli biex ikunu marbuta flimkien l-objettivi tal-iżvilupp, bħal protezzjoni aħjar tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, b'oppotunitajiet ekonomiċi ġodda filwaqt li tingħata kontribuzzjoni pożittiva fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;

149.

Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar l-inklużjoni tas-settur tal-iskart fl-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet u l-kompatibilità ta' din l-inklużjoni mal-proġetti CDM;

Miżuri ta' adattament

150.

Ifakkar fit-talbiet li saru fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-10 ta' April 2008, u jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika mingħajr dewmien il-White Paper imwiegħda tagħha li tistabbilixxi qafas tal-UE kkoordinat għall-ippjanar ta' miżuri ta' adattament;

151.

Jenfasizza l-importanza tal-pubblikazzjoni tal-Green Paper dwar il-koeżjoni Territorjali li enfasizzat il-ħtieġa ta' approċċ integrat tal-politika settorjali biex jitjieb l-impatt territorjali koordinat tal-UE u l-politika nazzjonali u reġjonali; għalhekk titlob li jkun hemm titjib tal-proċeduri tal-Fondi Strutturali biex permezz tagħhom jingħata kontribut akbar lill-miżuri dwar il-klima;

152.

Jenfasizza li filwaqt li l-prinċipju ta' sussidjarjetà għandu jiġi rispettat kif inhu xieraq u jkun rikonoxxut l-irwol ewlieni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, azzjoni fil-livell tal-UE huwa essenzjali biex tinbena reżistenza għal bijodiversità billi jissaħħaħ il-qafas Natura 2000 u jkunu integrati miżuri ta' adattament effettivi fil-koeżjoni, l-agrikoltura u l-politika dwar l-ilma baħar fl-UE;

153.

Jenfasizza għal darb'oħra l-bżonn ta' koerenza u l-koordinazzjoni integrata tal-miżuri ta' adattament fil-livell ta' UE u għar-riċerka ta' sinerġiji possibbli, inklużi skont ftehimiet internazzjonali li jkopru reġjuni speċifiċi jew territorji li tagħhom hija parti l-Komunità Ewropea; u jerġa' jinsisti fuq is-sejħa tiegħu għal qafas madwar l-UE kollha għall-ippjanar tal-miżuri ta' adattament;

154.

Jenfasizza l-irwol ta' koordinazzjoni tal-UE, b'mod partikolari fil-ħolqien ta' sistemi awtomatiċi jew ta' monitoraġġ kontinwu tat-tniġġis ta' twissija minn kmieni għall-perjodi ta' sħana qawwija, ta' silġ u ta' għargħar, u għal titjib fil-ġbir sistematiku aħjar ta' data statistika dwar is-saħħa, it-temp u l-ambjent;

Saħħa

155.

Jenfasizza li hija ta' importanza vitali l-kisba ta' esperjenza speċifika dwar l-effetti tal-bidla fil-klima fuq is-saħħa tal-bniedem, speċjalment fir-rigward ta' ċertu mard infettiv imxerred mill-parassiti;

156.

Jenfasizza li l-bidla fil-klima ser ikollha rwol kritiku fil-prevalenza dejjem tiżdied ta' ċertu mard, bħala riżultat tal-bidliet inevitabbli fin-natura tal-ekosistemi, li ser jaffettwa fost oħrajn lill-annimali, l-pjanti, l-insetti, il-protożoni, il-batterja u l-viruses;

157.

Jenfasizza li l-mard tropikali mifrux permezz tal-parassiti jew nemus u aġenti patoġeniċi oħra, li wieħed jiltaqa' magħhom l-aktar fiz-zoni tropikali, jistgħu jidhru f'latitudni u altitudni aktar għoljin u dan jirrappreżenta theddida ġdida għall-bnedmin;

158.

Jenfasizza li għalkemm l-għan ewlieni tal-programm ta' saħħa 2008-2013 huwa li jaġixxi fuq il-fatturi li tradizzjonalment jiddeterminaw is-saħħa (id-dieta, it-tipjip, il-konsum tal-alkoħol u l-użu ta' drogi), għandu jiffoka wkoll fuq ċerti sfidi ġodda għas-saħħa u jindirizza l-fatturi ambjentali determinanti li jirriżultaw mill-bidla fil-klima;

159.

Jenfasizza l-irwol ta' koordinament tal-UE u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fl-għoti ta' pariri lill-pubbliku ġenerali biex jevita l-mard imxerred mill-insetti permezz tal-użu ta', b'mod partikolari, ilbies protettiv, xbieki fuq is-sodda u prodotti repellanti u ta' kontroll tal-insetti;

160.

Jinnota li miżuri possibbli jistgħu jinkludu l-ġbir u l-evalwazzjoni tad-dejta rilevanti dwar l-effetti tal-bidla fil-klima fuq is-saħħa tal-bniedem, titjib fil-kapaċità li wieħed ikun ippreparat biex jilqa' għad-diżastri naturali, is-servizzi pubbliċi tas-saħħa u l-ippjanar ta' emerġenza, appoġġ għall-miżuri favur il-promozzjoni tas-saħħa fis-setturi kollha, u miżuri biex tiżdied il-kuxjenza, b'mod partikolari l-informazzjoni pubblika dwar tipi ġodda ta' perikli għas-saħħa, twissijiet u pariri speċifiċi biex tiġi evitata l-espożizzjoni, b'referenza speċjali għall-mard li jinġarr mill-insetti u l-mewġ ta' sħana;

161.

Iqis li teħtieġ riċerka fix-xjenza medika u s-settur farmaċewtiku biex jiġu żviluppati drogi u vaċċini għal mard ġdid li għandhom ikunu disponibbli għall-popolazzjonijiet kollha effettwati bi prezz għall-but ta' kulħadd;

162.

Jenfasizza l-importanza ta' zoni ħodor f'zoni urbani għas-saħħa tal-pubbliku in ġenerali, il-kwalità tal-arja, il-qbid tal-karbonju, u biex tkun ittrattata l-bidla fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali biex jippreservaw u jkabbru iz-zoni ħodor eżistenti u jiżviluppaw oħrajn ġodda fiz-zoni urbani;

Tkabbir u Impjiegi

163.

Iqis li l-Ewropa tgawdi minn pożizzjoni ta' tluq eċċellenti fit-tellieqa globali għal ekonomija b'rati baxxi ta' emissjonijiet, u għandha tisfrutta bl-aħjar mod possibbli din il-pożizzjoni biex tagħti bidu għal aktar innovazzjoni li toħloq negozji ġodda u kompettivi u impjiegi ġodda fl-oqsma tat-teknoloġija nadifa, enerġiji li jiġġeddu u impriżi u ħiliet ambjentali biex jikkontrobilanċjaw it-telf possibbli ta' impjiegi fis-setturi b'emissjonijiet għolja tas- CO2, b'konformità sħiħa mal-Istrateġija ta' Liżbona; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jidentifikaw bidliet strutturali bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-politika dwar il-bidla fil-klima u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi perjodikament miżuri ta' appoġġ għall-popolazzjonijiet l-aktar effettwati;

164.

Iwissi kontra l-pessimiżmu li jista' jwassal sabiex l-UE titlef l-opportunità ekonomika li toffri l-bidla fil-klima u l-miżuri politiċi biex tiġi missielta, billi tkun enfasizzata l-irwol pożittiv tal-imsieħba soċjali li ser ikunu involuti direttament biex tkun stimulata l-ekonomija u l-possibiltajiet ta' edukazzjoni mill-ġdid u l-assorbiment tal-ħaddiema effettwati bħala riżultat tal-adattament u l-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima; jikkunsidra li l-kunsens pubbliku u soċjali ser ikun fattur kritiku biex tintrebaħ it-tellieqa globali għall-effiċjenza, l-innovazzjoni, il-materja prima u t-teknoloġiji futuri, kif ukoll is-swieq;

165.

Huwa tal-fehma li l-potenzjal ta' tkabbir u l-impjiegi jista' jkun realizzat kompletament jekk fl-istess ħin punti ta' aċċess għas-suq ikunu ggarantiti u l-ostakli burokratiċi biex isir użu mit-teknoloġija disponibbli jitneħħew;

166.

Jistieden lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-kompatibilità tar-regoli eżistenti mal-objettivi tal-politika dwar il-klima u biex jiżviluppaw inċentivi biex il-bidla għal ekonomija b'użu baxx tas-CO2 tiġi ffaċilitata;

167.

Jistieden lill-imsieħba soċjali u ż-żewġ naħat tal-industrija fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE biex jiżviluppaw strateġiji ekonomiċi komuni għal kull settur, biex jiġi identifikat u strateġikament sfruttat il-potenzjal fejn jeżisti;

Promozzjoni ta' teknoloġiji tal-ġejjieni

168.

Huwa tal-opinjoni li approċċ ikkombinat għandu jinbeda u jiġi żviluppat, li jinkludi tnaqqis fl-emissjonijiet u proċess separat ta' tiġdid teknoloġiku fil-qafas ta' politika Ewropea integrata dwar il-kima sabiex jiġu ggarantit r-riżorsi għall-ġenerazzjonijiet futuri;

169.

Jikkunsidra, partikolarment fir-rigward tan-newtralità teknoloġika tal-approċċ tal-UE, li l-kwistjoni CCS għandha tiġi diskussa estensivament u bl-involviment tal-partijiet interessati privati u pubbliċi, mingħajr ma jiġi ppreġudikat ir-riżultat; jisħaq dwar il-promozzjoni tal- koperazzjoni internazzjonali sabiex ikun inkuraġġit it-trasferiment teknoloġiku, partikolarment ma' dawk il-pajjiżi emerġenti li għadhom jiddependu fuq il-faħam lokali bħala fjuwil;

170.

Huwa ta' l-opinjoni li l-ħolqien ta' teknoloġiji għall-ġenerazzjoni li ġejja u biex issir possibli ż-żieda neċessarja fil-kwantità huwa meħtieġ appoġġ finanzjarju għall-R&D fuq perjodu ta' żmien twil;

171.

Iħeġġeġ lill-partijiet tal-UNFCCC biex jirrikonoxxu s-CCS bħala trasferiment tat-tekonoloġija fil-kuntest tas-CDM tal-Ftehim ta' Marrakesh dwar il-Protokoll ta' Kyoto;

172.

Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex tirrispondi għax-xettiċiżmu jew it-tħassib possibbli fost il-poplu rigward l-applikazzjoni tas-CCS b'riċerka u miżuri biex tinħoloq kuxjenza fil-pubbliku;

173.

Jipproponi li politika ewropea integrata dwar il-klima għandha tikkonsisti fi proposti għal mekkaniżmi bażiċi ta inċentivi u miżuri ta' appoġġ, sabiex it-tiġdid teknoloġiku neċessarju jkun jista' jinbeda, jitnaqqsu l-ispejjeż kurrenti għat-teknoloġiji ġodda iżda għaljin, u jiġu stabbiliti u jinkisbu fil-ġejjieni miri ta' tnaqqis aktar ħorox;

174.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jikkunsidraw metodi kif iħaffu l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji nodfa u effiċjenti fl-enerġija, bħal sussidji diretti lill-konsumaturi li jinvestu f'teknoloġiji, bħal pereżempju pannelli solari, pompi “ground heath, air heath u water heath” kif ukoll fran li jaħarqu b'mod aktar nadif;

175.

Jipproponi, għal dan il-għan, miżuri paralleli bħall-parteċipazzjoni ta' ekonomisti, inġiniera u negozjanti privati fi 'Kyoto Plus Process' parallel u istituzzjonalizzat, fuq il-linji tal-metodu tal-Protokoll ta' Montreal għall-protezzjoni tas-saff tal-ożonu, li kien sar b'suċċess;

176.

Jitlob li jinħoloq Fond Ewropew għall-Klima, li għandu jiġi ffinanzjat b'parti mid-dħul mill-irkantar tas-sistema tal-iskambju tal-emissjonijiet, u/jew fondi korrispondenti fl-Istati Membri, li għandhom jiġu ffinanzjati bil-qligħ tal-irkantar tas-sistema tal-iskambju tal-emissjonijiet, u jqis dan bħala mod kif jinħoloq stokk ta' kapital biex tiġi ffinanzjata politika futura tal-klima, meta jiġi meqjus li jeżistu limiti dwar kemm wieħed jista' jippjana issa għall-miżuri individwali ta' dik il-politika u l-investiment li se jeħtieġu;

177.

Jipproponi li dan l-istokk ta' kapital jintuża fis-suq tal-kapital biex jippermetti backflow lill-operaturi ekonomiċi u ri-investiment fit-teknoloġiji tal-futur, u b'hekk jitħalla f'idejn is-suq biex jiddeċiedi liema teknoloġiji għandhom jintużaw fil-futur biex jintlaħqu objettivi tal-klima fuq perjodu ta' żmien medju u twil, minflok ma jiġi ddeterminat dan permezz tal-leġiżlazzjoni;

178.

Jenfasizza bis-sħiħ li, fit-tul, is-soluzzjonijiet effettivi għall-problema tal-bidla fil-klima ser jiġu wkoll mill-innovazzjonijiet xjentifiċi kemm fil-qasam tal-produzzjoni, distribuzzjoni u l-użu tal-enerġija, u f'oqsma oħra relatati, li effettivament inaqqsu l-produzzjoni ta' gassijiet b'effett ta' serra mingħajr ma joħolqu problemi oħra ambjentali;

179.

Jenfasizza l-importanza tas-Seba' Programm ta' Qafas ta' Riċerka għall-iżvilupp tas-sorsi ta' enerġija nodfa u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw din il-prijorità anki fil-Programmi Qafas ta' Riċerka li jmiss;

Sistemi intelliġenti tal-kompjuter u l-ICT

180.

Jipproponi lill-Presidenzi tal-Kunsill li ġejjin li jagħtu prijorità lit-tema futura tal-ICT kif ukoll l-importanza tagħha fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-adattament għal din il-bidla;

181.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jippromwovu l-ittestjar, il-validazzjoni, l-introduzzjoni u aktar tixrid ta' metodi kompjuterizzati u bbażati fuq l-ICT biex ikun hemm dematerjalizzazzjoni u titjieb bil-kbir l-effiċjenza tal-enerġija, b'mod partikolari permezz ta' loġistika mtejba fit-trasport tal-merkanzija, u bil-bdil tal-ivvjaġġar fiżiku bit-tele u l-video conferencing, netwerks aħjar tal-elettriku, bini aktar effiċjenti f'dik li hija enerġija u dawl intelliġenti, b'kooperazzjoni mal-industrija, il-konsumaturi, l-awtoritajiet, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta' riċerka;

Fianzjament u kwistjonijiet baġitarji

182.

Jinsisti, fil-kapaċità tiegħu bħala fergħa tal-awtorità baġitarja flimkien mal-Kunsill, li tingħata l-ogħla prijorità lill-bidla fil-klima u lill-miżuri biex tiġi kkumbattuta fil-perspettiva finanzjarja li jmiss;

183.

Jitlob lill-Kunsill jittratta l-kwistjoni ta' fondi mhux użati, allokati mill-baġit tal-UE, u jallokahom fejn ikun meħtieġ għal skopijiet tal-poitika tal-klima;

184.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal inventarju għall-istrumenti kollha eżistenti ta' ffinanzjar u s-sinifikat tagħhom għall-objettivi Ewropej dwar il-klima u, fuq il-bażi ta' dan il-“climate audit”, biex tfassal proposti għall-qafas finanzjarju futur sabiex il-linji tal-baġit tal-UE jkunu jistgħu jiġu adattati b'konformità mal-ħtiġijiet tal-politika dwar il-klima, filwaqt li ma tkunx eskluża l-possibilità li jinħolqu fondi ġodda u b'hekk jiġu allokati riżorsi ġodda għalihom;

185.

Huwa tal-fehma li l-UE għandha tieħu impenn finanzjarju mhux biss fl-oqsma ewlenin tal-promozzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġiji biex tiġi missielta l-bidla fil-klima u tal-għajnuna għall-iżvilupp relatata mal-klima, iżda wkoll fl-appoġġ għall-miżuri ta' adattament transkonfinali, effiċjenza u għajnuna akbar għad-diżastri, b'konformità mal-prinċipju ta' solidarjetà tal-Unjoni;

186.

Ifakkar li l-ftehim milħuq fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-“pakkett għall-klima u l-enerġija” dwar l-assenjazzjoni volontarja ta' 50% tad-dħul mill-irkantar fis-sistema tal-iskambju tal-emissjonijiet għall-finanzjament tal-politiki dwar il-bidla fil-klima, li sehem kbir minnu għandu jintuża biex jiġu ffinanzjati miżuri ta' adattament u mitigazzjoni f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ minn din il-possibilità u biex saħansitra jmorru lil hinn minn din iċ-ċifra;

187.

Ifakkar li l-finanzjament ta' miżuri ta' mitigazzjoni u ta' adattament f'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw se jkun element importanti ħafna biex tintlaħaq ftehima globali fis-COP 15 f'Kopenħagen, u jinsisti li l-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Marzu 2009 jagħmel progress sinifikanti biex jintlaħaq ftehim dwar kif jiġi żgurat finanzjament indipendenti u prevedibbli mill-UE għall-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw;

Edukazzjoni, taħriġ, rappurtar, tikkettar u ħolqien ta' kuxjenza

188.

Jitlob lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex joħolqu karrieri ġodda u biex jadattaw mhux biss taħriġ vokazzjonali prattiku iżda wkoll skejjel u korsijiet professjonali li jiffurmaw parti minn kulleġġi tekniċi u universitajiet għall-isfidi speċifiċi relatati mal-impjiegi tal-bidla ekonomika strutturali li qed tiġi aċċellerata minħabba l-bidla fil-klima u l-effetti tagħha;

189.

Jirrikonoxxi l-irwol importanti tal-ħaddiema u tar-rappreżentanti tagħhom li jintroduċu politika ħadra fil-kumpaniji u l-postijiet tax-xogħol tagħhom, fil-livelli nazzjonali u transnazzjonali u jitlob għall-appoġġ tal-Komunità għall-iżvilupp, l-iskambju u d-disseminazzjoni tal-aħjar prassi;

190.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strateġiji ta' komunikazzjoni biex tifrex informazzjoni lill-pubbliku ġenerali dwar ix-xjenza tal-bidla fil-klima (bbażata fuq l-aħħar sejbiet tal-IPCC), strateġiji ta' frankar ta' enerġija, miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta' sorsi ta' enerġija li jiġġeddu; minbarra dan, jissuġġerixxi li programmi ta' skambju taż-żgħażagħ tal-UE jiffukaw fuq proġetti komuni ta' tagħrif dwar il-bidla fil-klima u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tikkumissjona annwalment, permezz tal-Eurobarometru, sondaġġ taċ-ċittadini tal-UE li jkejjel l-attitudni u l-perċezzjoni taċ-ċittadini lejn il-bidla fil-klima, u minbarra dan jistieden għal standards ġenerali u sempliċi ta' effiċjenza għall-oqsma kollha tal-ħajja ta' kuljum, u għall-ħolqien ta' inċentivi (eż. ta' karatteristika fiskali) għal konsum responsabbli ta' enerġija;

191.

Jistieden lill-Istati Membri biex, flimkien mal-fornituri tal-elettriku, jidħlu fi djalogu maċ-ċittadini sabiex jikkonvinċu l-opinjoni pubblika mill-ħtieġa, għal raġunijiet tal-politika tal-enerġija u l-klima, li impjanti tal-enerġija moderni li jaħdmu bil-fjuwils fossili isiru aktar effiċjenti, inkluża diskussjoni dwar CCS;

192.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel skambju ta' informazzjoni maċ-ċittadini u l-Istati Membri dwar is-suċċess fil-proġetti “car-free day” fil-kuntest tal-Ġimgħa ta' Mobilità Ewropea u jenfasizza l-bżonn li ċ-ċittadini jaħsbu dwar il-mobilità urbana tagħhom u għalhekk jikkunsidraw l-imġiba tagħhom bħala utenti tat-triq, u biex it-terminu “mobilità individwali” ma jkunx ristrett għall-użu tal-karozza privata biss iżda din tiġi estiża għall-forom kollha ta' vvjaġġar indivdwali fl-ibliet u ż-żoni metropolitani bħall-mixi, vjaġġi bir-rota, car-sharing, car-pooling, vjaġġi bit-taxi u t-trasport pubbliku lokali;

193.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-laqgħa bejn l-atoritajiet ta' l-akbar bliet fid-dinja taħt il-patroċinju tas-C40, b'mod partikolari il-forum għall-iskambju ta' miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass li kienu ta' suċċess fil-livell globali, u biex jitgħallmu mingħand xulxin;

194.

Jenfasizza b'mod partikolari il-bżonn li ċ-ċittadini jkunu infurmati u kkonsultati fuq il-post u biex ikunu involuti fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u jinkuraġġixxi liċ-ċentri urbani, reġjuni u z-zoni urbani akbar biex jimmiraw għal objettivi speċifiċi ta' tnaqqis u jimplimentawhom permezz ta' programmi innovattivi lokali jew reġjonali ta' finanzjament bl-appoġġ mill-awtoritajiet pubbliċi;

195.

Jistieden lill-Istati Membri, bil-għan li tinħoloq kuxjenza pubblika, biex jinkorporaw fir-regolamenti rilevanti ta' tkabbir dispożizzjoni sabiex ċittadini li japplikaw għall-permessi ta' ppjanar jirċievu informazzjoni komprensiva dwar liema opportunitajiet jeżistu lokalment għall-użu ta' għejjun ta' enerġija li tiġġedded;

196.

Jipproponi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, id-ditretti, kwartieri u l-muniċipalitajiet, u b'mod partikolari l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-iskejjel u l-istituzzjonijiet li jieħdu ħsieb it-tfal u ż-żgħażagh, jorganizzaw kompetizzjonijiet kif ukoll kampanji lokali ffinanzjati tajjeb fil-livell nazzjonali u tal-UE biex tiġi ffrankata l-enerġija sabiex ikabbru l-kuxjenza pubblika għall-potenzjal ta' ffrankar ta' enerġija u biex tinkiseb il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u jintlaħqu l-effetti tat-tagħlim;

197.

Jipproponi li l-Kummissjoni tiddikjara Sena Ewropea ta' Effiċjenza tar-Riżorsi sabiex tikber il-kuxjenza taċ-ċittadini fil-livelli kollha tal-politika ta' użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u biex tieħu l-bidla tal-klima bħala opportunità biex jinżamm dibattitu intensiv dwar id-disponibilità tar-riżorsi u l-mod kif jiġu trattati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkumbattu l-faqar enerġetiku kif ukoll ikun garantit l-iżvilupp ta' kultura kontra l-ħela tal-ilma u biex titqajjem kuxjenza pubblika biex ma jinħeliex l-ilma permezz ta' programmi edukattivi; jistieden lill-Kummissjoni biex tifli l-possibiltà li tħajjar netwerk ta' bliet biex jinkoraġġixxu l-użu sostenibbli tal-ilma bil-għan li jsir skambju ta' prattiċi tajba u jsiru b'mod konġunt proġetti pilota dimostrattivi; jitlob lill-Istati Membri sabiex jipprovdu verifiki tal-enerġija bla ħlas sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jnaqqsu l-konsum tagħhom ta' enerġija u biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom;

198.

Iqis li r-reklamar u l-informazzjoni dwar il-prodotti huma strument importanti biex il-poplu jsir aktar konxju tal-prezz ambjentali tal-oġġetti ta' konsum u sabiex tinbidel l-imġiba tal-konsumatur; iwissi, madankollu, dwar ir-riskji tal-“greenwashing” u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri flimkien mal-assoċjazzjonijiet nazzjonali u Ewropej biex ifasslu kodiċi ta' reklamar u tikkettar għall-industriji bil-ħsieb li jiġu kkundannati r-reklamar qarrieqi u dikjarazzjonijiet foloz dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti, u biex ikunu konformi mar-reġoli Ewropej tar-reklamar u tikkettar fis-seħħ;

199.

Iqis importanti, fid-djalogu maċ-ċittadini u l-bejjiegħa bl-imnut, li r-reklamar ikun iffukat fuq prodotti reġjonali u staġjonali, u li l-informazzjoni tal-konsumaturi, b'mod partikolari t-tikkettar obbligatorju dwar il-metodu ta' produzzjoni tal-prodotti tintuża bħala għajnuna għall-għażliet li jagħmlu l-konsumaturi;

200.

Iqis in-nuqqas ta' informazzjoni fost il-pubbliku dwar miżuri kontra l-bidla fil-klima bħala problema serja; jitlob għalhekk lill-UE, lill-Istati Membri u l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet reġjonali u lokali, biex, flimkien mal-istampa, ix-xandara u l-midja online, ifasslu u jimplimentaw kampanja ta' informazzjoni madwar l-Ewropa kollha dwar il-kawżi u l-effetti tal-bidla fil-klima u n-nuqqas dejjem jikber tar-riżorsi, billi jiffokaw fuq metodi individwali kif wieħed jibdel id-drawwiet tiegħu fil-ħajja ta' kuljum u billi tingħata stampa aħjar u aktar faċilment komprensibbli tal-ħidma tal-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali dwar il-miżuri biex tiġi kkumbattuta l-bidla fil-klima;

201.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi ta' impriżi kbar biex isegwu objettivi interni ta' tnaqqis bl-involviment tal-persunal tagħhom u l-fornituri tagħhom ta' daqs żgħir jew medju, u biex jużaw strateġiji ta' komunikazzjoni mal-pubbliku biex jirreklamaw produzzjoni mudelli ta' konsum sostenibbli; iħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet ekonomiċi fl-Istati Membri u fil-livell Ewropej biex jenfasizzaw prattika ta' negozju sostenibbli bħala element prezzjuż fil-kompetizzjoni;

2050 - Il-ġejjieni jibda llum

202.

Jitlob li tiġi implimentata aġenda għall-azzjoni favur il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima għall-perjodu 2009-2014, kif ġej:

a)

fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom:

imexxu diskussjionijiet fuq livelli lokali u globali dwar azzjonijiet li għandhom jittieħdu għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima,

jiżviluppaw, jiffinanzjaw u jintroduċu supergrid madwar l-Ewropa kollha li jkun aċċessibbli għal kull forma ta' fornitur tal-enerġija,

jippromwovu infrastruttura tat-trasport li tkun effiċjenti f'termini ta' ffinanzjar u sostenibbli sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, li tinkludi t-teknoloġiji tal-idroġenu u linji ferrovjarji ta' veloċità,

jiżviluppaw strateġiji ta' komunikazzjoni ġodda sabiex jedukaw liċ-ċittadini u jipprovdulhom inċentivi biex inaqqsu l-emissjonijiet mingħajr spejjeż żejda, pereżempju, billi titħejja informazzjoni dwar il-kontenut ta' karbonju fi prodotti u servizzi,

jiżviluppaw stumenti leġiżlattivi adattati biex jinkoraġġixxu lis-setturi industrijali kollha biex ikunu minn ta' quddiem fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, u jibdew billi jitolbu trasparenza dwar l-emissjonijiet tal-karbonju,

jistabbilixxu rabtiet b'saħħithom bejn l-aġenda tal-politika ta' Liżbona, l-aġenda soċjali u l-politiki dwar il-bidla fil-klima;

b)

fil-livelli lokali u reġjonali, għandhom jitniedu promozzjoni u skambji tal-aħjar prattiki b'mod partikolari dwar:

il-miżuri tal-effiċjenza tal-enerġija u miżuri oħrajn għall-ġlieda kontra l-faqar tal-enerġija, bl-għan li jintlaħqu miri ta' rendiment b' użu ta' enerġija netta ta' żero f'bini privat, kummerċjali u pubbliku,

ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-iskart, pereżempju billi jiġu żviluppati infrastrutturi għal zoni minfejn isir il-ġbir,

l-iżvilupp ta' infrastrutturi għal karozzi tal-passiġġieri b'emissjonijiet baxxi, li jkunu jagħmlu użu minn enerġija li tiġġedded, kif ukoll l-introduzzjoni ta' inċentivi għall-iżvilupp ta' vetturi li jkollhom livell ta' emissjonijiet ta' żero għat-trasport pubbliku,

il-promozzjoni ta' mobiltà iktar sostenibbli fil-bliet u z-zoni rurali,

l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' adattament għall-bidla fil-klima;

il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-konsum ta' ikel lokali u reġjunali;

203.

Jenfasizza l-bżonn li tiġi ffaċċjata l-bidla fil-klima u l-effetti tagħha permezz ta' miżuri politiċi u edukattivi fuq il-bażi ta' perspettiva fuq perjodu ta' żmien twil, u bl-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet strateġiċi fil-bażi ta' din il-perspettiva jiġu implimentati b'mod koerenti, mingħajr ma' jiġu subordinati għal miri politiċi maħsuba għal perjodu ta' żmien qasir; jinkoraġġixxi l-promozzjoni ta' stili ta' ħajja u xejriet ta' konsum maħsuba biex ikun hemm żvilupp sostenibbli;

204.

Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed m'għadux iċedi quddiem il-kumplessità tal-problema tal-bidla fil-klima, iżda juri x-xewqa viżjonarja li jagħmel differenza u kwalitajiet ta' tmexxija fl-isferi politiċi, ekonomiċi u soċjali, fit-tweġiba tagħna għall-isfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li nħabbtu wiċċna magħhom f'dan il-mument deċiżiv tal-politika tal-enerġija u l-klima, ikkaratterizzat minn skarsezza ta' materja prima;

205.

Jenfasizza l-bżonn, fuq il-bażi tal-ideali li fuqhom hija ffundata l-Unjoni Ewropea, li jittieħdu deċiżjonijiet mill-konvinzjoni tan-neċessità u l-korrettezza tagħhom, u biex tittieħed l-opportunità unika li l-futur tas-soċjetà tagħna jiġi ffurmat permezz ta' azzjoni strateġika;

206.

Jitlob lill-entitajiet rilevanti tal-Parlament Ewropew biex ifasslu u jippubblikaw verżjoni ta' dan ir-rapport u tax-xogħol tal-kumitat għall-qarrej ġenerali fi żmien tliet xhur mill-adozzjoni tiegħu;

207.

207Jistieden lill-kumitati kompetenti tiegħu biex isegwu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet hawn fuq imsemmija waqt il-mandat leġiżlattiv li jmiss, inkluż fil-kuntest tas-seduti ta' smigħ tal-Kummissarji nominati għat-terminu tal-mandat tal-Kummissjoni li jmiss u fil-kuntatti tagħhom mal-kontroparti tagħhom fil-parlamenti nazzjonali; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi u lill-komponent tal-Parlament Ewropew f'assemblei parlamentari multilaterali biex iqajmu regolarment il-kwistjoni tal-bidla fil-klima u l-bżonn ta' azzjonijiet u inizjattivi min-naħa tal-pajjiżi kollha fil-kuntatti tagħhom mar-rappreżentanti ta' pajjiżi terzi;

*

* *

208.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarjat tal-UNFCCC b'talba lil dan tal-aħħar biex din tkun imressqa lill-partijiet kontraenti kollha li m'humiex Stati Membri tal-UE u lill-osservaturi stabbiliti mill-UNFCCC.


(1)  ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 652; ara wkoll il-minuti tas-seduta plenarja tat-18.2.2008, punt 7.

(2)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 437.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2008)0032.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2008)0125.

(5)  Testi adottati, P6_TA(2008)0223.

(6)  Testi adottati, P6_TA(2008)0491.

(7)  Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li tistabbilixxi qafas għat-twaqqif ta' rekwiżiti ta' ekodisinn għal prodotti li jużaw l-enerġija (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29).

(8)  ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 281.

(9)  Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni tal-komunità fil-qasam tal-politika ambjentali marittima (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).


ANNESS A

SELEZZJONI TA' LEĠIŻLAZZJONI TAL-UE B'KONTRIBUZZJONI POŻITTIVA KONTRA L-BIDLA FIL-KLIMA

Leġiżlazzjoni fis-seħħ:

Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1)

Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (2) u atti legali konnessi

Direttiva 93/12/KEE tal-Kunsill tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-kontenut tal-kubrit ta' ċerti karburanti likwidi (3), u atti legali konnessi

Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE tal-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (4) u atti legali konnessi

Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburant tal-petrol u d-dijżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (5) u atti legali konnessi

Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (6)

Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta' ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (7) u atti legali konnessi

Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (8)

Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (9) u atti legali konnessi

Direttiva 2003/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE dwar il-kontroll fuq il-perikoli ta' inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi (10)

Direttiva 2004/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 li temenda d-Direttiva 94/62/KE fuq l-ippakkjar u l-iskart tal-ippakkjar (11)

Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (12)

Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li tistabbilixxi qafas għat-twaqqif ta' rekwiżiti għall-disinn ekoloġiku għall-prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-direttivi 96/57/KE u 2000/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13)

Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament tal-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (14) u atti legali konnessi

Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar is-7 Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (15)

Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (16), u atti legali konnessi

Atti legali proposti:

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tas-sistema tal-UE għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra (2008/0013(COD))

Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-isforz tal-Istati Membri biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom tal-gassijiet serra biex jonoraw l-impenji tal-Komunità għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sa l-2020 (2008/0014(COD))

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE, 96/61/KE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (2008/0015(COD)

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu ta^' l-enerġija minn sorsi rinnovabbli (2008/0016(COD)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi għall-użu ħafif (2007/0297(COD)

Id-Direttiva 2009/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 98/70/KE fir-rigward tas-speċifikazzjoni tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u taż-żejt tal-gass u li tintroduċi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għat-tnaqqis ta' emissjonijiet b' effett serra minn karburanti tat-trasport tat-triq u li temenda id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE, fir-rigward tas-speċifikazzjoni tal-karburanti użati minn bċejjeċ tal-ilmijiet interni u li tħassar id-Direttiva 93/12/KEE (2007/0019(COD))


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(3)  ĠU L 74, 27.3.1993, p. 81.

(4)  ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26.

(5)  ĠU L 350, 28.12.1998, p. 58.

(6)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(7)  ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1.

(8)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 65.

(9)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(10)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 97.

(11)  ĠU L 47, 18.2.2004, p. 26.

(12)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(13)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

(14)  ĠU L 161, 14.6.2006, p. 12.

(15)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(16)  ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.


ANNESS B

RIŻOLUZZJONIJIET TAL-PARLAMENT EWROPEW DWAR IL-BIDLA FIL-KLIMA U ENERĠIJA

Riżoluzzjoni tas-17 ta' Novembru 2004 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Konferenza ta' Buenos Aires dwar it-tema tal-bidla fil-klima (COP-10) (1)

Riżoluzzjoni tat-13 ta' Jannar 2005 dwar ir-riżultat tal-Konferenza ta' Buenos Aires dwar il-bidla fil-klima (2)

Riżoluzzjoni tat-12 ta' Mejju 2005 dwar il-laqgħa tal-esperti tal-gvernijiet dwar il-bidla fil-klima (3)

Riżoluzzjoni tas-16 ta' Novembru 2005 dwar “Strateġija għal suċċess fil-ġlieda kontra l-bidla globali fil-klima” (4)

Riżoluzzjoni tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-bidla fil-klima (5)

Riżoluzzjoni tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-Green paper dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jew li jsir aktar b'inqas (6)

Riżoluzzjoni tal-4 ta' Lulju 2006 dwar it-tnaqqis tal-impatt tal-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima (7)

Riżoluzzjoni tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Konferenza ta' Nairobi dwar il-bidla fil-klima (COP12 u COP/MOP 2) (8)

Riżoluzzjoni tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar Strateġija Ewropea għal Enerġija Sostenibbli, Kompetittiva u Sikura - Green Paper (9)

Riżoluzzjoni tat-14 ta' Frar 2007 dwar il-bidla fil-klima (10)

Riżoluzzjoni tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar il-bini ta' Alleanza Globali dwar it-tibdil fil-klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima (11)


(1)  ĠU C 201 E, 18.8.2005, p. 81.

(2)  ĠU C 247 E, 6.10.2005, p. 144.

(3)  ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 384.

(4)  ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 120.

(5)  ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 182.

(6)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 273.

(7)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 119.

(8)  ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 439.

(9)  ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 876.

(10)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 344.

(11)  Testi adottati, P6_TA(2008)0491.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/85


L-Isfida tal-effiċjenza tal-enerġija permezz tat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni

P6_TA(2009)0044

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2009 dwar l-isfida tal-effiċjenza tal-enerġija permezz tat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni

(2010/C 67 E/09)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-13 ta' Mejju 2008 bl-isem “Nindirizzaw l-isfida tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija permezz tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni” (COM(2008)0241),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008 bl-isem “20 20 sal-2020 – l-Opportunità tal-Ewropa għall-Bidla fil-Klima” (COM(2008)0030),

wara li kkunsidra l-istudju ta' Settembru 2008 kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea bl-isem “L-impatt ta' teknoloġiji ta' komunikazzjoni u ta' informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija”,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-8-9 ta' Marzu 2007, b'mod partikolari l-Pjan ta' Azzjoni (2007-2009) bl-isem “Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa”,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar ir-rendiment tal-enerġija tal-bini (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2006 dwar l-effiċjenza fl-użu aħħari tal-enerġija u s-servizzi tal-enerġija (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 106/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar programm Komunitarju għall-ittikkettar tat-tagħmir tal-uffiċċju b'informazzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija (rifużjoni) (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-eko-disinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija (4),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm ta' Qafas dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013) (5),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo) (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2008 dwar pjan strateġiku Ewropew dwar it-teknoloġija tal-enerġija (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta' Jannar 2008 dwar Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza tal-Enerġija: it-Twettiq tal-Potenzjal (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar CARS 21: Qafas Regolatorju Kompetittiv għall-Karozzi (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2006 dwar strateġija Ewropea għal enerġija sostenibbli, kompetittiva u sikura – Green Paper (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar l-Effiċjenza tal-Enerġija jew nagħmlu iktar b'inqas – Green Paper (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2006 dwar soċjetà Ewropea tal-informazzjoni għat-tkabbir u l-impjieg (13),

wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-UE stabbilixxiet mira li tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'mill-inqas 20% u li tieħu 20% tal-enerġija tagħha minn sorsi li jiġġeddu sal-2020, u billi l-UE dawret l-isforzi tagħha lejn il-kisba ta' 20% titjib fl-effiċjenza tal-enerġija matul l-istess perjodu,

B.

billi ġie kkalkulat li l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) jistgħu jiffrankaw aktar minn 50 miljun tunellata ta' CO2 kull sena,

C.

billi l-miri stipulati hawn fuq għandhom jintlaħqu mingħajr ħsara għall-kompetittività u s-sostenibilità tal-ekonomija tal-UE,

D.

billi l-UE iffissat mira, għaliha nnifisha, li ssir l-aktar ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għerf sal-2010, u billi l-kompetittività ekonomika tiddependi ħafna fuq l-effiċjenza fl-enerġija u fuq l-użu tal-ICTs,

E.

billi t-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija huwa wieħed mill-iktar mezzi ekonomiċi kif jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra u billi l-effiċjenza tal-enerġija tista' twassal direttament għat-tfaddil tal-konsumatur,

F.

billi l-ICTs għandhom irwol ewlieni x'jaqdu fit-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija lokalment u globalment u fost l-ekonomiji industrijalizzati u dawk emerġenti (b'mod partikolari permezz ta' netwerks intelliġenti u bini intelliġenti u l-aġġornar teknoloġiku tal-proċessi ta' produzzjoni ta' industriji li jużaw ħafna enerġija ) u wara li kkunsidra l-potenzjal għall-iffrankar li joffru sistemi intelliġenti ta' trasport fil-każ tal-industrija tal-manifattura u t-trasport,

G.

billi attwalment is-settur tal-ICT jipproduċi 2% tal-emissjonijiet globali tas-CO2, u billi l-industrija mhux biss tkun kapaċi tnaqqas l-emissjonijiet ta' CO2 li tipproduċi hi stess iżda b'mod partikolari tista' tiżviluppa applikazzjonijiet innovattivi u aktar effiċjenti fl-enerġija għall-ekonomija b'mod ġenerali,

H.

billi n-newtralità tat-teknoloġija għandha tiġi rispettata sabiex jiġi żgurat li t-teknoloġiji kollha rilevanti bbażati fuq l-ICT jkunu disponibbli sabiex jgħinu lill-UE tilħaq il-miri tagħha ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra,

I.

billi l-industrija ICT toffri għodod li għandhom irwol importanti għall-monitoraġġ ta' kwalunkwe rendiment ta' sistema meta mqabbla mal-konsum tal-enerġija tagħha,

J.

billi diġà jeżistu diversi programmi u inizjattivi tal-UE li jappoġġjaw ir-riċerka tal-ICT u l-innovazzjoni fi kwistjonijiet dwar l-enerġija (is-Seba' Programm ta' Qafas għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (FP7), il-programm ta' appoġġ għall-politika tal-ICT u l-programmi operazzjonali Ewropej għall-enerġija intelliġenti); billi inċentivi fiskali u strumenti ta' appoġġ statali xierqa jipprovdu wkoll appoġġ finanzjarju u inkoraġġiment għal soluzzjonijiet intelliġenti dwar l-effiċjenza tal-enerġija,

K.

billi l-industrija u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) għandhom irwol ewlieni fiż-żieda tal-effiċjenza tal-enerġija permezz tal-ICT u l-innovazzjoni,

1.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iżidu l-kuxjenza, per eżempju permezz ta' proġetti dimostrattivi, dwar l-importanza tal-ICTs għat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija fl-ekonomija tal-UE, bħala l-inċentiv wara l-produttività u t-tkabbir u t-tnaqqis tal-ispejjeż li jagħmlu tajjeb għall-kompetittività, l-iżvilupp sostenibbli u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE;

2.

Jissuġġerixxi lill-Presidenzi tal-Kunsill tal-futur sabiex is-suġġett l-ICTs u l-importanza tagħhom fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-adattament għall-bidla fil-klima jagħmluh wieħed mill-prijoritajiet tal-mandati tagħhom;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jarmonizzaw kriterji, approċċi u tibdiliet fil-liġi relatati mal-effiċjenza tal-enerġija u sabiex tadatta approċċ olistiku, li jfisser li l-Istati Membri m'għandhomx biss jaħsbu f'termini ta' partijiet iżda f'termini ta' sistemi sħaħ (eż. bini intelliġenti); iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex fil-Linjigwida għall-Evalwazzjoni tal-Impatt tagħha tikkunsidra l-inklużjoni ta' evalwazzjoni ta' frankar potenzjali ta' enerġija permezz tal-użu ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ICT;

4.

Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ħasbux fi strateġija ħadra bbażata fuq l-użu ta' IT/ICT u li tkun kapaċi tikkontribwixxi għal tnaqqis progressiv fl-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE, biex jagħmlu dan;

5.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħmlu aktar użu mill-“appalt aħdar” sabiex iħeġġu l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet permezz tal-ICT mis-servizzi pubbliċi tagħhom, sabiex b'hekk ikunu ta' eżempju fil-promozzjoni ta' soluzzjonijiet effiċjenti fl-enerġija; jistieden lis-settur pubbliku, ibda mill-istituzzjonijiet tal-UE, sabiex jagħmlu aktar użu possibbli mill-politiki ta' uffiċċji mingħajr karti, immaniġġjar ta' dokumenti, e-governance, e-administration, xogħol mid-dar (teleworking) u video u teleconferencing; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkun minn ta' quddiem fl-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija mill-istituzzjonijiet Ewropej;

6.

Jenfasizza li hemm ħtieġa ta' aktar sforzi f'kull livell ta' teħid ta' deċiżjonijiet sabiex jintużaw il-mezzi finanzjarji kollha (bħas-Seba' Programm ta' Qafas, il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni, il-programmi operazzjonali rilevanti appoġġjati mill-politika ta' koeżjoni, kif ukoll programmi nazzjonali u reġjonali) għall-implimentazzjoni u l-użu ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda bbażati fuq l-ICT li jsaħħu l-effiċjenza fl-enerġija; jistieden ukoll lill-Kummissjoni sabiex tistipula li ta' mill-inqas 5% tal-Fondi Strutturali jridu jintefqu fuq titjib fl-effiċjenza tal-enerġija tad-djar eżistenti;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja approċċ sistematiku għal soluzzjonijiet intelliġenti tal-ICT b'enfasi partikolari fuq inqas emissjonijiet fir-rigward tal-iżvilupp ta' bliet, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta' binjiet, ta' dawl fit-toroq u ta' netwerks ta' trażmissjoni u distribuzzjoni intelliġenti u permezz ta' organizzazzjoni f'ħin reali tat-trasport pubbliku;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-użu ta' inċentivi finanzjarji għat-teknoloġiji “Smart Grid” (netwerk intelliġenti); jistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex iħeġġu l-użu tal-aktar teknoloġiji avvanzati ta' “remote sensing”, biex jgħinu fit-tnaqqis tat-telf ta' enerġija billi jidentifikaw tnixxijiet, sadd jew problemi oħrajn fl-infrastrutturi ewlenin tal-enerġija;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-ittestjar, il-validazzjoni, l-introduzzjoni u aktar disseminazzjoni ta' metodi bbażati fuq il-kompjuters u l-ICT sabiex itejbu l-effiċjenza fl-enerġija, partikolarment netwerks imtejba tal-elettriku, bini effiċjenti fl-enerġija, dwal intelliġenti, awtomazzjoni tal-proċessi industrijali, virtwalizzazzjoni, dematerjalizzazzjoni u partikolarment billi l-videoconferencing u t-teleconferencing jieħdu post l-ivvjaġġar fiżiku, f'kooperazzjoni mal-industrija, l-konsumaturi, l-awtoritajiet pubbliċi, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta' riċerka;

10.

Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw il-potenzjali tal-ICTs u jippermettu mudelli ta' negozju ġodda, partikolarment fis-suq tal-enerġija u fir-rigward tal-kummerċ elettroniku fl-enerġija, iżda wkoll fl-ekonomija kollha kemm hi sabiex jitħeġġu l-innovazzjoni ħadra u l-intraprenditorjat;

11.

Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma introduċewx inċentivi adegwati sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-2006 stabbiliti fid-Direttiva 2006/32/KE relatata mal-installazzjoni ta' sistema intelliġenti ta' kejl tal-elettriku għan-negozji, is-servizz pubbliku u d-djar, sabiex jagħmlu hekk kemm jista' jkun malajr; għal dan il-għan jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw, permezz ta' investiment fl-ICTs awtomatizzati għall-konsumatur (meters intelliġenti u ħarsa ġenerali tal-ħtiġijiet immedjati tal-enerġija, inklużi l-ħtiġijiet tal-familji), tali ICTs ikunu ppenetraw 100% sal-2019;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jinvestu b'mod sostanzjali f'sistemi ta'voir caractere avant produzzjoni ċentralizzata bbażati fuq ICT (inkluż l-użu ta' produzzjoni kkombinata ta' sħana u elettriku li tkun ibridizzata b'mod vantaġġjuż minn sorsi li jiġġeddu bħal teknoloġiji bbażati fuq l-enerġija solari, b'enfasi fuq teknoloġiji li jsegwu x-xemx b'mod intelliġenti u teknoloġiji tar-riħ ), kif ukoll jappella sabiex jiġu emendati l-leġiżlazzjoni Komunitarja u l-liġijiet tal-Istati Membri kif meħtieġ; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex dejjem jikkunsidraw l-ICTs f'rabta mal-produzzjoni u mad-distribuzzjoni tal-enerġija deċentralizzata;

13.

Jistieden lill-Istati Membri biex joħolqu kundizzjonijiet aħjar għall-użu tal-ICTs fl-industriji li jużaw ħafna enerġija u b'mod partikolari fl-industrija tal-kostruzzjoni (eż. l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji ta' monitoraġġ u ta' kontroll avvanżati li jkunu integrati fil-linji ta' produzzjoni), minħabba li 10% tal-emissjonijiet globali tas-CO2 huma riżultat tal-manifattura ta' materjal ta' kostruzzjoni;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiffukaw ukoll fuq l-effiċjenza fl-enerġija tad-djar eżistenti u ta' bini ieħor, minħabba li 40% tal-użu tal-enerġija totali jsir mill-bini; jappella, f'dan ir-rigward, għal ħolqien ta' kundizzjonijiet aħjar għall-implimentazzjoni tal-ICTs għal bini intelliġenti; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex joffru inċentivi għar-restawr ta' bini antik u għall-kostruzzjoni ta' djar passivi u djar mingħajr ebda emissjoni;

15.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-tnedija tal-proċess ta' konsultazzjoni u ta' sħubija dwar l-ICTs; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw koperazzjoni iktar mill-qrib fost is-sħab kollha fis-setturi tal-kostruzzjoni, tal-effiċjenza tal-enerġija u tal-ICT, b'mod partikolari permezz ta' Inizjattivi Konġunti tat-Teknoloġija (JTIs) bħall-Artemis JTI u l-Bini Effiċjenti fl-Enerġija (E2B) JTI; jistieden lill-imsieħba kollha sabiex jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw normi u standards miftuħin sabiex jiġi żgurat li teknoloġiji differenti jkunu kompatibbli;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ attiv għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u għall-proġetti dimostrattivi, relatati ma' ICTs ġodda u l-applikazzjonijiet li joffru potenzjal kbir għall-effiċjenza fl-enerġija, speċjalment il-mikroelettronika u n-nanoelettronika kif ukoll it-teknoloġiji fotoniċi u qwantiċi (quantum) emerġenti;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ attiv għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku u għal attivitajiet dimostrattivi relatati ma' teknoloġiji li jagħtu d-dawl u applikazzjonijiet intelliġenti li jagħtu d-dawl, sabiex l-introduzzjoni ta' sorsi ta' dawl li huma iktar effiċjenti fl-enerġija – fi spazji pubbliċi kemm ġewwa u kemm barra – b'enfasi fuq dajowds li huma effiċjenti ħafna fl-emissjoni tad-dawl (LED) – tista' tkun promossa b'mod iktar vigoruż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu r-riċerka dwar is-sistemi tad-dawl inġenerali, u mhux biss dwar il-komponenti ta' dawn is-sistemi;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jisfruttaw sal-ogħla potenzjal is-sistema ta' navigazzjoni satellitari Galileo, sabiex jiżguraw li jsir l-aktar użu wiesa' possibbli tal-applikazzjonijiet relevanti b'kumbinazzjoni ma' ICTs fil-qasam tat-trasport, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu l-immaniġġjar u l-organizzazzjoni ta' flussi tat-traffiku, fl-informazzjoni tat-traffiku dwar il-moviment ta' persuni u oġġetti u fl-aħjar għażla ta' rotot u modi ta' trasport;

19.

Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoperaw fuq livell nazzjonali u lokali fil-koordinazzjoni ta' approċċ għal mobilità effiċjenti fl-enerġija u għal mobilità li ma tagħmilx ħsara għall-ambjent ibbażati fuq soluzzjonijiet offerti mit-teknoloġiji bbażati fuq l-ICTs (bħat-titjib tat-trasport privat, il-loġistika intelliġenti, vetturi effiċjenti u monitoraġġ tal-fluss tat-traffiku, ippjanar u simulazzjoni), sabiex jiżguraw interoperabilità, anqas spejjeż u impatt akbar; jistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw l-entitajiet ta' standardizzazzjoni fit-tfassil u l-introduzzjoni ta' standards tal-UE u globali għas-sistemi intelliġenti tat-trasport;

20.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex iniedu programmi u inċentivi mmirati sabiex itejbu r-rendiment tal-emissjonijiet ta' vetturi eżistenti, b'mod partikolari permezz ta' soluzzjonijiet avvanzati tal-ICTs meta jerġgħu jitwaħħlu (retrofitting) sistemi ta' kontroll ta' emissjonijiet u permezz tal-implimentazzjoni ta' pjattaformi mobbli ta' monitoraġġ f'ħin reali;

21.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu kampanji ta' informazzjoni mmirati għall-pubbliku ġenerali dwar attitudnijiet li jiffrankaw l-enerġija, kif ukoll biex jippromwovu taħriġ għas-sewwieqa ta' vetturi tat-triq dwar kif isuqu b'mod effiċjenti fl-enerġija; f'dan il-kuntest, jinnota li għandha tingħata prijorità għat-tnedija ta' programmi pilota li juru l-aħjar prattika għall-implimentazzjonijiet fit-trasport, speċjalment minn soluzzjonijiet ta' valur miżjud tal-ICT għall-problemi eżistenti f'livell lokali;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika gwida tal-“aħjar esperjenzi” għall-awtoritajiet lokali dwar soluzzjonijiet effiċjenti fl-enerġija għall-immaniġġjar tat-traffiku u biex tikkopera ma' rappreżentanti tal-industrija dwar lista ta' “innovazzjonijiet favur l-ambjent” (eco-innovations) sabiex is-sewqan ekoloġiku jsir realtà (bħal indikatur li juri konsum tal-fjuwil ekonomiku, softwer li jimmoniterja l-pressjoni interna tat-tajers, sistema dinamika ta' navigazzjoni favur l-ambjent, regolament dwar il-veloċità tas-sewqan, kontroll fakultattiv tal-veloċità kostanti tas- sewqan (adaptive cruise control), stima f'ħin reali tal-impatt ambjentali fuq il-bażi tal-profili tas-sewqan;

23.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi inizzjattivi ta' trawwim ta' kuxjenza ta' awtoritajiet lokali, li jinkludi l-użu ta' għodod ICT fl-ippjanar tal-ibliet u l-immaniġġjar tal-bini u forniment ta' servizzi diġitali effiċjenti fl-enerġija; jilqa' b'sodisfazzjon l-inizzjattiva tal-“Patt tas-Sindki”, li jiġbor flimkien f'netwerk permanenti s-sindki tal-aktar ibliet l-aktar avvanzati fl-Ewropa; jappella sabiex din l-inizzjattiva tagħti attenzjoni partikolari għall-użu tal-ICTs għat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija;

24.

Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni xierqa lill-użu tal-ICTs fl-industrija tal-manifattura u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti lill-Istati Membri aċċess akbar għal eżempji ta' proġetti riċerka u żvilupp li jinkorporaw il-kontribuzzjoni ewlenija tal-ICT lill-industrija tal-manifattura, li fuqha b'mod dirett jew indirett jiddependu 70% tal-impjiegi fl-UE, u b'hekk jiġu promossi l-eżempji tal-aħjar prattiki għall-immodernizzar tal-industrija tal-manifattura tal-UE;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex tappoġġja u tinkoraġġixxi lill-industrija tal-ICT biex tnaqqas il-marka tal-karbonju tagħha billi tikkonformaw mal-ogħla standards ta' effiċjenza u innovazzjoni matul iċ-ċiklu ta' ħajja kollu tal-prodott, u billi timmoniterja l-konsum enerġetiku f'kull stadju tal-katina ta' forniment tagħha; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' inizzjattivi volontarji għat-tnaqqis tal-konsum enerġetiku fis-settur tal-ICT; jirrakkommanda wkoll l-użu ta' softwer u sistemi operattivi li jikkonsmaw l-inqas enerġija;

26.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jinvestu fl-edukazzjoni dwar effiċjenza fl-enerġija, li għandha tibda fl-iskejjel billi fost il-konsumaturi tal-futur titrawwem kuxjenza ekoloġika; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu appoġġ kbir lill-programmi edukattivi u tat-taħriġ fl-interess tal-forniment ta' numru xieraq ta' speċjalisti imħarrġin fl-ICT u biex jinkoraġġixxu individwi u impriżi biex jadottaw forom effiċjenti ta' prattika permezz ta' edukazzjoni u taħriġ iggwidati minn objettivi, immirati biex jużaw tagħmir b'mod effiċjenti, biex ir-riżultati tal-iffrankar tal-enerġija jiġu kkwantifikati u biex jiġu żviluppati kapaċitjiet “ħodor”;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex joħolqu ambjent regolatorju aktar favorevoli b'aċċess finanzjarju għall-SMEs li jista' jkollhom irwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ICT għall-effiċjenza fl-enerġija;

28.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni tal-ambitu tal-programm ta' koperazzjoni “Energy Star” mal-Istai Uniti u l-inklużjoni fir-regolament ta' implimentazzjoni ta' dispożizzjoni mandatorja dwar l-appalt pubbliku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tmexxi 'l quddiem in-negozjati dwar prodotti oħra;

29.

Jinnota li teknoloġiji u approċċi ġodda jistgħu jwasslu, f'ċerti każi, għal żieda fil-konsum tal-enerġija meta mqabbla mas-sistemi li jkunu qed jieħdu posthom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu passi sabiex jiżguraw li l-konsumaturi jkunu kompletament konxji mir-rendiment fl-effiċjenza tal-enerġija ta' sistemi innovattivi meta mqabbla mat-teknoloġiji li jkunu qed jinbidlu; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta metodoloġija ta' klassifikazzjoni tar-rendiment tal-enerġija ta' sistemi; jinnota l-irwol kruċjali li meters intelliġenti fl-għoti ta' informazzjoni lill-konsumaturi li jbiddlu d-drawwiet tagħhom jew jadottaw sistemi ġodda dwar il-konsegwenzi ġenerali ta' dawn il-bidliet f'termini ta' effiċjenza fl-enerġija;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkopera mill-qrib ma' pajjizi terzi sabiex l-ICTs ikunu disponibbli b'mod aktar wiesa' għall-effiċjenza fl-enerġija; jappella għall-istabbiliment ta' standards komuni għal prodotti effiċjenti fl-enerġija, speċjalment għal proġetti “Star Enerġy” ibbażati fl-UE li jkollhom kisbiet ta' livelli għolja fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-impatt ambjentali, li jistgħu jiġu trasferiti lill-pajjiżi terzi għall-implimentazzjoni;

31.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprovdu appoġġ attiv għall-implimentazzjoni ta' applikazzjonijiet tal-ICT b'potenzjal kbir għall-iffrankar tal-enerġija, f'żoni remoti tal-UE, bħall-gżejjer, żoni muntanjużi u żoni isolati;

32.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 65.

(2)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 64.

(3)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

(5)  ĠU L 310, 9.11.2006, p. 15.

(6)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

(8)  Testi adottati, P6_TA(2008)0354.

(9)  Testi adottati, P6_TA(2008)0033.

(10)  Testi adottati, P6_TA(2008)0007.

(11)  ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 876.

(12)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 273.

(13)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 133.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/91


Ir-rilokazzjoni tal-priġunieri tal-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo

P6_TA(2009)0045

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Frar 2009 dwar ir-ritorn u r-rilokazzjoni tal-priġunieri tal-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo

(2010/C 67 E/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali, Ewropej u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u dwar il-projbizzjoni tad-detenzjoni arbitrarja, l-għejbien furzat u t-tortura, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Kastigi oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984,

wara li kkunsidra l-koperazzjoni transatlantika bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, speċjalment fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri fi Guantánamo (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2006 dwar Guantánamo (2),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2004 lill-Kunsill dwar id-dritt tal-priġunieri ta' Guantánamo li jkollhom proċess ġust (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2002 dwar il-priġunieri fi Guantánamo Bay (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta' Frar 2006,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar- Rapporteur s Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Torturi rigward l-Istati Uniti,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Jannar 2009 tal-President tal-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tad-19 ta' Jannar 2009,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Terroriżmu,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Ewropew għal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà u tal-Presidenza tal-UE,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2007 dwar l-allegat użu tal-pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u għaż-żamma illegali ta' priġunieri (5) u l-attivitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istess kwistjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru 2001, l-Istati Uniti stabbilixxiet faċilità ta' detenzjoni ta' sigurtà għolja fi Guantánamo Bay (Kuba), fejn ġew miżmuma dawk issuspettati li huma terroristi,

B.

Bbilli l-priġunieri fi Guantánamo Bay ġew miċħuda d-drittijiet fundamentali tagħhom, l-iktar id-dritt għal smigħ xieraq, u ġew soġġetti għal tekniki ta' interrogazzjoni ħarxa, bħall-'water boarding', li jammontaw għal tortura u trattament krudili, inuman jew degradanti,

C.

billi f'għadd ta' sentenzi tal-Qrati tal-Istati Uniti, inkluża l-Qorti Suprema, ġew rikonoxxuti drittijiet parzjali u limitati, inkluża l-possibilità li jingħata aċċess għall-qrati ċivili Amerikani,

D.

billi lista ppubblikata mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tinkludi 759 ex priġunier u priġunieri attwali fi Guantánamo; billi inħelsu 525 priġunier, filwaqt li 5 mietu waqt id-detenzjoni bħalissa hemm madwar 250 priġunier fi Guantánamo, li minnhom:

għadd jibqgħu fi Guantánamo sempliċement għax m'hemmx pajjiż li jistgħu jirritornaw lejh b'mod sikur; dawn huma kollha persuni li qatt ma nġabu akkużi kontrihom u mhux se jiġu akkużati mill-Istati Uniti tal-ebda delitt;

għadd li qed jitqies jekk jitressqux għal proċess quddiem qorti,

għadd minnhom li hu maħsub li huma theddida potenzjali, imma l-Istati Uniti m'għandux intenzjoni li jressaqhom quddiem qorti,

E.

billi l-użu tat-tortura u ta' mezzi illegali oħra jimplika li l-'evidenza' miġbura mhijiex ammissibbli fil-qrati, b'mod li tagħmilha impossibbli li jkun hemm prosekuzzjonijiet u kundanni minħabba terroriżmu,

F.

billi l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jallegaw li 61 ex priġunier ta' Guantánamo Bay kienu involuti fit-terroriżmu wara l-ħelsien tagħhom;

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet, kif ukoll l-ordnijiet eżekuttivi oħra relatati, tal-President tal-Istati Uniti Barack Obama għall-għeluq ta' Guantánamo Bay, li jimmarkaw bidla importanti fil-politika tal-Istati Uniti rigward ir-rispett tal-liġi umanitarja u internazzjonali; u jinkoraġġixxi l-amministrazzjoni l-ġdida biex tieħu aktar passi f'din id-direzzjoni;

2.

Ifakkar li r-responsabilità ewlenija għall-proċess kollu tal-għeluq tal-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo Bay u tal-futur tal-priġunieri tagħha hija tal-Istati Uniti; madankollu jafferma li r-responsabilità għar-rispett tal-liġi internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem hija tal-pajjiżi demokratiċi kollha, b'mod partikolari tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, li flimkien jirrappreżentaw komunità ta' valuri;

3.

Jistieden lill-Istati Uniti biex jiżguraw li jirrikonoxxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali lill-priġunieri ta' Guantánamo, fuq il-bażi tal-liġi internazzjonali u tal-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti, u:

li kull priġunier li kontrieh l-Istati Uniti għandha biżżejjed evidenza jingħata smigħ xieraq u pubbliku mingħajr dewmien minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali u jinżammu f'ħabs fl-Istati Uniti jekk jinstabu ħatja,

li kull priġunier li mhux se jinġiebu akkużi kontrieh u li jagħżel b'mod volontarju li jmur lura f'pajjiżu, jintbagħat lura f'pajjiżu mill-aktar fis possbbli,

li kull priġunier li mhux se jiġi akkużat u li ma jistax jintbagħat lura fil-pajjiż ta' oriġini tiegħu minħabba li hemm riskju reali li fil-pajjiż tiegħu jkun torturat jew persegwitat, għandu jingħata l-għażla li jkollu aċċess fl-Istati Uniti, jingħata protezzjoni umanitarja fl-Istati Uniti kontinentali u kumpens,

4.

Jistieden lill-Istati Membri biex, bħala reazzjoni għat-talba mingħand l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti għal koperazzjoni biex jinstabu soluzzjonijiet, ikunu lesti li jaċċettaw priġunieri minn Guantánamo fl-UE, biex jgħinu sabiex tissaħħaħ il-liġi internazzjonali b'mod li jiġi żgurat, bħala prijorità, it-trattament ġust u uman ta' kulħadd; ifakkar lill-Istati Membri li għandhom id-dmir ta' koperazzjoni fidila biex jikkonsultaw lil xulxin dwar l-effetti possibbli fuq is-sigurtà pubblika madwar l-UE;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Komuni Barranija u ta' Sigurtà, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika.


(1)  ĠU C 300 E, 9.12.2006, p. 136.

(2)  ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 423.

(3)  ĠU C 102 E, 28.4.2004, p. 640.

(4)  ĠU C 284 E, 21.11.2002, p. 353.

(5)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 309.


Il-Ħamis, 5 ta' Frar 2009

18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/94


Implimentazzjoni fl-UE tad-Direttiva 2003/9/KE dwar il-kundizzjonijiet biex jintlaqgħu r-refuġjati u dawk li jitolbu ażil: żjarat tal-Kumitat LIBE mill-2005 sal-2008

P6_TA(2009)0047

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar l-implimentazzjoni fl-UE tad-Direttiva 2003/9/KE dwar il-kundizzjonijiet biex jintlaqgħu r-refuġjati u dawk li jitolbu ażil: żjarat tal-Kumitat LIBE mill-2005 sal-2008 (2008/2235(INI))

(2010/C 67 E/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/9/KE tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil fl-Istati Membri (1) (“Direttiva tal-Akkoljenza”),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/85/KE tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istejtus ta' rifuġjat fl-Istati Membri (2) (“Direttiva tal-Proċedura”),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 343/2003 tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil preżentata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz (3) (“Regolament Dublin II”),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/9/KE tas-27 ta' Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil fl-Istati Membri (COM(2007)0745),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR) u b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 8 tagħha,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

wara li kkunsidra r-rapporti tad-delegazzjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fl-Italja (Lampeduża), fi Spanja (Ceuta u Melilla, il-Gżejjer Kanarji), fi Franza (Pariġi), f'Malta, fil-Greċja, fil-Belġju, fir-Renju Unit, fl-Olanda, fil-Polonja, fid-Danimarka u f'Ċipru,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2005 dwar Lampedusa (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2006 dwar is-sitwazzjoni tal-kampijiet tar-refuġjati f'Malta (5),

wara li kkunsidra l-proposta għat-tfassil mill-ġdid tad-Direttiva li tistabbilixxi l-istandards minimi dwar l-akkoljenza ta' dawk li qed ifittxu ażil fl-Istati Membri (COM(2008)0815) (minn hawn 'l quddiem imsejħa proposta għat-tfassil mill-ġdid) u l-proposta għar-reviżjoni tar-Regolament ta' Dublin II Regulation (COM (2008)0820), sottomessa flimkien mill-Kummissjoni fit-3 ta' Diċembru 2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0024/2009),

A.

billi d-Direttiva tal-Akkoljenza li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta' dawk li jfittxu ażil hija element fundamentali tal-ewwel fażi tas-sistema ta' ażil Ewropew komuni,

B.

billi d-Direttiva tal-Akkoljenza tapplika għal min qed ifittex l-ażil u għar-refuġjati,

C.

billi d-drittijiet fundamentali, bħad-dritt li wieħed jgħix b'dinjità, il-protezzjoni tal-ħajja tal-familja, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u d-dritt ta' appell, għandhom ikunu garantiti l-ħin kollu,

D.

billi d-Direttivi Akkoljenza u Proċedura jimponu li l-Istati Membri jipprovdu lil dak li jfittxu l-ażil informazzjoni bil-miktub dwar id-drittijiet tagħhom, kif ukoll dwar l-organizzazzjonijiet li jiżguraw assistenza; - billi minħabba l-kumplessità tal-proċeduri u tal-iskadenzi qosra - b'mod partikolari għall-każijiet ta' proċedura aċċelerati - li jibbenifikaw minn kunsill ġuridiku xieraq, li jkollhom aċċess għal interpretu fejn neċessarju u li jirċievu d-deċiżjonijiet li jikkonċernawhom b'lingwa li huma mistennija b'mod raġonevoli li jifhmu,

E.

billi huwa essenzjali li wieħed jara li l-proċeduri ta' ażil ikunu ċari (kriterji ta' aċċettazzjoni jew rifjutat ta' talba għal ażil), ġusti, effettivi u proporzjonati, sabiex jiżguraw l-aċċess effettiv għall-ażil,

F.

billi l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Akkoljenza jagħti lil dawk li jfittxu l-ażil id-dritt ta' moviment liberu fi ħdan l-Istat Membru li fih huma jkunu talbu l-ażil, iżda li dan id-dritt jista' jkun ristrett għall-Istati Membri,

G.

billi d-Direttiva tal-Akkoljenza dwar il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza tapplika għal dawk li jitolbu ażil u għar-refuġjati, iżda f'ħafna faċilitajiet li saritilhom żjara, dawk li qed jitolbu ażil u l-migranti irregolari qed jinżammu fl-istess faċilità,

H.

billi l-Konvenzjoni għad-drittijiet tat-tfal tipproteġi d-drittijiet tal-minorenni kollha, inklużi dawk li qegħdin barra mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom u li d-Direttiva tal-Akkoljenza timponi li l-Istati Membri jikkunsidraw is-sitwazzjoni partikolari tal-minorenni u li tagħtihom drittijiet speċifiċi bħal pereżempju d-dritt għall-edukazzjoni,

I.

billi mhux l-Istati Membri kollha jużaw faċilitajiet ta' akkoljenza għal dawk kollha li jfittxu l-ażil jew ħafna minnhom, billi jippreferu soluzzjonijiet alternattivi fuq livell lokali u billi l-Kumitat LIBE għadu ma nvestigax dak l-aspett tal-prattika tal-Istati Membri,

J.

billi għall-iskopijiet ta' din ir-riżoluzzjoni, b' ‧detenzjoni‧ wieħed jifhem proċedura amministrattiva provviżorja,

K.

billi d-detenzjoni hija miżura amministrattiva li hija differenti mid-detenzjoni kriminali,

L.

billi matul xi żjarat, il-Membri Parlamentari tkellmu diversi drabi, fejn dan kien neċessarju dwar il-kundizzjonijiet ta' livell baxx f'faċilità partikolari, li l-kondizzjonijiet ta' detenzjoni ma kinux tollerabbli mill-perspettiva tal-iġjene, tal-promiskwità, tat-tagħmir disponibbli, u li l-persuni detenuti ma kinux jiġu informati sistematikament dwar ir-raġunijiet tad-detenzjoni tagħhom, dwar id-drittijiet tagħhom u dwar l-istat ta' avvanz tal-każijiet tagħhom,

Kummenti ġenerali u proċeduri ta' ażil

1.

Jiddispjaċieh li xi żjarat li saru wrew li d-Direttivi attwali kienu għadhom qegħdin jiġu applikati ħażin, jew ma kinux qed jiġu applikati minn xi Stati Membri; jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura t-traspożizzjoni u l-ħarsien tad-Direttivi mhux biss formalment;

2.

Jenfasizza li l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-ECHR, bħad-dritt għall-għejxien b'dinjità, il-ħarsien tal-ħajja familjali, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u d-dritt għal rikors effettiv kontra d-detenzjoni, għandhom ikunu applikati l-ħin kollu u rrispettivament mill-istejtus taċ-ċittadini tal-pajjiż terz involut; għalhekk ma jistax jaċċetta li persuna ma tkunx trattata kif xieraq għas-sempliċi raġuni li hija immigran irregolari;

3.

Jikkundanna n-numru ta' nuqqasijiet rigward il-livell tal-kundizzjonijiet ta' akkoljiment li bażikament jirriżultaw mill-fatt li d-Direttiva tal-Akkoljenza preżentament tippermetti lill-Istati Membri marġni wiesa' ta diskrezzjoni rigward l-istabbiliment ta' kundizzjonijiet ta' akkoljiment fuq livell nazzjonali; jilqa' b'sodisfazzjon għalhekk, il-proposta ta' tfassil mill-ġdid imsemmija;

4.

Jesprimi s-sodisfazzjoni tiegħu dwar il-proposti tal-Kummissjoni għat-tfassil mill-ġdid, u jilqa l-fatt li l-għan iddikjarat huwa li jiżgura standards ogħla għal trattament ta' dawk li qed ifittxu l-ażil sabiex jiżgura standard diċenti tal-għejxien u biex jippermetti armonizzazzjoni ikbar tar-regoli nazzjonali li jirregolaw il-kundizzjonijiet tal-akkoljiment;

5.

Jesprimi s-sodisfazzjoni tiegħu dwar il-proposta tal-Kummissjoni li tkabbar il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva tal-Akkoljenza biex tkopri l-protezzjoni sussidjarja sabiex tiżgura li l-istess livell ta' drittijiet japplika għall-forom kollha tal-protezzjoni internazzjonali;

6.

jistieden lill-Istati Membri sabiex juru solidarjetà ikbar mal-pajjiżi li huma l-aktar milqutin mill-immigrazzjoni, solidarjetà li ma tillimitax ruħha għal livell tekniku u/jew finanzjarju; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistudja l-possibiltà ta' proposta ta' strument Ewropew ta' solidarjetà immirat biex jipprovdi soljiev mill-piż impost min-numru għoli ta' refuġjati li jintlaqgħu mill-Istati Membri bi fruntieri esterni, soljiev li jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta' rispett għax-xewqat ta' dawk li jfittxu l-ażil u jkun jipprovdi livell għoli ta' protezzjoni;

7.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi b'koperazzjoni mal-Parlament, sistema ta' żjarat u ta' spezzjoni permanenti; jixtieq li l-Kumitat LIBE jkompli biż-żjarat tiegħu sabiex jiżgura l-ħarsien tal-liġi Komunitarja rigward il-kundizzjonijiet ta' ażil u ż-żamma ta' dibattitu annwali dwar ir-riżultati ta' dawn iż-żjarat; f'seduta plenarja tal-Parlament Ewropew;

Akkoljenza

8.

Jiddispjaċih li l-kapaċità tal-faċilitajiet ta' akkoljenza miftuħa mwaqqfa minn ċerti Stati Membri hija waħda limitata u tidher li ma tikkorrispondix għall-ħtiġijiet tal-migranti;

9.

Jitlob li l-akkoljenza ta' dawk li jfittux ażil u l-immigranti titwettaq bi prijorità fil-faċilitajiet ta' akkoljenza miftuħa milli f'faċilitajiet magħluqin, fuq l-eżempju ta' dawk diġà eżistenti f'ċerti Stati Membri;

10.

Ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw l-aċċess għall-proċeduri tat-talba għall-kenn;

11.

Jistieden immedjatament lill-Istati Membri biex japplikaw id-Direttiva tal-Akkoljenza għal dawk kollha li jfitxxu l-ażil mill-mument li fih huma jesprimu x-xewqa tagħhom biex jitolbu protezzjoni fi Stat Membru, anke jekk it-talba għall-ażil tkun għadha ma kinitx ippreżentata formalment;

12.

Jistieden immedjatament lill-Kummissjoni biex tfakkar lill-Istati Membri li ċaħda jew tnaqqis ta' kundizzjonijiet ta' akkoljenza għal raġunijiet li mhumiex inklużi fid-“Direttiva tal-Akkoljenza” huwa jew għandu jkun strettament projbit;

13.

Iqis li kundizzjonijiet ta' akkoljenza bażiċi, bħall-ikel, l-akkomodazzjon u l-kura tas-saħħa f'emerġenza m'għandhom qatt ikunu miċħuda, minħabba li ċ-ċaħda tagħhom tista' tikser id-drittijiet fundamentali ta' dawk li jfittxu l-ażil;

14.

iqis li huwa neċessarju li jinstab ekwilibriju bejn proċeduri aċċelerati, kontroll tal-arretrati u trattament ġust ta' kull każ individwali – b'mod partikolari fil-każ tal-proċeduri aċċelerati;

Aċċess għall-informazzjoni u d-dritt għall-interpretazzjoni

15.

Jirrimarka li l-informazzjoni dwar il-proċeduri hija fil-parti l-kbira tagħha bil-miktub, u li l-iskadenzi huma qosra wisq, u li dan jista' jikkawża problema ta' fehim u jwassal għal tfixkil għal dawk li jfittxu l-ażil meta jkunu jridu jeżerċitaw id-drittjiet tagħhom biex iressqu t-talbiet tagħhom; jitlob li l-fuljetti li jispjegaw id-drittijiet kollha ta' dawk li jfittxu l-ażil u tal-immigranti jitpoġġew għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-lingwi internazzjonali ewlenin u bil-lingwi mitkellma minn numru sinifikanti ta' dawk li jfittxu l-ażil u l-immigranti fl-Istat Membru kkonċernat; jitlob lill-Istati Membri sabiex l-informazzjoni tkun disponibbli wkoll permezz ta' mezzi oħra, inklużi dawk orali, televiżivi jew permezz tal-Internet;

16.

Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward in-nuqqas ta' interpreti mħarrġa b'mod adegwat f'numru ta' faċilitajet li saritilhom żjara, inkluż nuqqas ta' interpreti matul laqgħat uffiċjali; jitlob minnufih li l-Istati Membri jiżguraw servizz pubbliku ta' interpretazzjoni bla ħlas, jekk hemm bżonn anki telefonikament jew permezz tal-Internet;

17.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jitolbu l-assistenza finanzjarja tal-Fondi Ewropej għar-rifuġjati sabiex itejbu l-aċċess għall-informazzjoni u b'mod partikolari sabiex iżidu n-numru tal-lingwi li fihom tkun disponibbli l-informazzjoni jew l-appoġġ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tibgħat l-informazzjoni tal-Istati Membri dwar l-istrumenti finanzjarji disponibbli għal dak l-iskop u dwar l-aħjar prattiċi kurrenti rigward l-użu tagħhom;

Assistenza ġuridika

18.

Jiddispjaċieh li l-aċċess għal assistenza ġuridika bla ħlas jidher li hu ristrett għal dawk li jfittxu l-ażil u għall-immigranti irregolari detenuti u li kultant hija limitata għal numru ta' avukati, b'konsegwenza li l-persuni li ma jkollhomx mezzi finanzjarji suffiċjenti jibqgħu mingħajr assistenza;

19.

Ifakkar li huwa partikolarment diffiċli li tinsab assistenza ġuridika adegwata għall-persuni detenuti, meta titqies id-diffikultà li wieħed isib biex jikkomunika mad-dinja esterna u n-natura speċifika tal-leġiżlazzjoni relevanti;

20.

Jiġbed l-attenzjoni li l-kontinwità tal-aċċess għall-assistenza legali ssir iżjed diffiċli hekk kif id-detenuti jintbagħtu minn faċilità ta' akkoljenza jew ta' detenzjoni għal oħra;

21.

Jifraħ lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u r-Rappreżentanti tal-Organizzazzjonijiet Non-Governattivi (NGOs) għax-xogħol tagħhom ta' assistenza ġuridika imma huwa tal-opinjoni li l-NGOs mhumiex se jkunu jistgħu jissostitwixxu r-responsabiltajiet tal-Istati;

22.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżguraw aċċess għal assistenza legali u/jew rappreżentazzjoni bla ħlas f'każijiet fejn min qed ifittex l-ażil ma jistax iħallas l-ispejjeż involuti;

Aċċess għas-saħħa

23.

Jiddispjaċieh li fil-maġġoranza taċ-ċentri ta' detenzjoni li żar, dawk li jfittxu l-ażil u l-immigranti jilmentaw b'mod sistematiku dwar l-insuffiċjenza u l-inadegwatezza tal-kura medika, dwar id-diffikultajiet biex jarawhom it-tobba jew biex jikkomunikaw magħhom, dwar in-nuqqas ta' kuri speċifiċi (b'mod partikolari għan-nisa tqal u l-vittmi ta' torturi) u dwar il-mediċini approprjati;

24.

Jitlob lill-Istati Membri sabiex jestendu l-kopertura medika offruta bħalissa lil dawk li jfittxu l-ażil u l-migranti sabiex ma tkunx limitata biss għall-kura ta' urġenza u sabiex jiggarantixxu wkoll l-għajnuna psikoloġika u l-kura tas-saħħa mentali; jiddikara li d-drittijiet għal trattament tas-saħħa u dak mediku huma fost id-drittijiet individwali l-iktar fundamentali;

Aċċess għall-impjieg

25.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li jkunu megħluba l-ostakli għal aċċess għas-suq tax-xogħol u li jkun awtorizzat l-aċċess għall-impjieg wara perjodu ta' sitt xhur minn meta titressaq applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali;

26.

jitlob lill-Istati Membri sabiex ma jimponux restrizzjonijiet legali jew amministrattivi li jikkostitwixxu xkiel għall-aċċess għall-impjieg;

Assistenza mogħtija mill-NGOs

27.

Jirrikonxxi x-xogħol konsiderevoli li jsir mill-assoċjazzjonijiet rigward l-assistenza għal dawk li jfittxu l-ażil u għall-immigranti irregolari;

28.

Jistieden lill-Istati Membri biex jitgħallmu mill-prattika tajba żviluppata fil-qafas tal-programm EQUAL marbuta ma' persuni li jfittxu l-kenn rigward il-preparazzjoni effettiva għas-suq tax-xogħol;

29.

Jitlob lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu li dawk li jfittxu l-kenn u l-migranti irregolaru jkollhom l-aċċess mingħajr tfixkil legali jew amministrattiv għal għajnuna – minn atturi indipendenti mill-awtoritajiet nazzjonali – fid-difiża tad-drittijiet tagħhom, inkluż waqt id-detenzjoni; jistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu lis-soċjetà ċivili dritt legali ta' aċċess għal postijiet ta' detenzjoni għal ċittadini barranin;

30.

Jitlob lill-Istati Membri biex ma jużawx id-detenzjoni ta' dawk li jfittxu il-kenn f'ebda ċirkostanza, peress li huma fin-natura tagħhom nies vulnerabbli li għandhom bżonn protezzjoni;

Detenzjoni

31.

Jiddeplora li għadd ta' Stati Membri qed iżidu l-użu tad-detenzjoni; jenfasizza li persuna m'għandha tinżamm detenuta fl-ebda ċirkustanza għas-sempliċi raġuni li tkun qed titlob ħarsien internazzjonali; jenfasizza li d-detenzjoni għandha tkun miżura aħħarija, proprozjonata, għall-iqsar perjodu possibbli u biss f'każijiet fejn ma jistgħux jiġu applikati miżuri oħra ta' sfurzar inqas u fuq il-bażi ta' evalwazzjoni individwali ta' kull każ;

32.

ifakkar li l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jagħti d-dritt li tiġi kkontestata miżura tat-tneħħija ta' libertà; jitlob li kull ċittadin ta' pajjiż terz li jitpoġġa f'detenzjoni jkun jista' jagħmel tali rikors;

33.

Jinsab imħasseb dwar il-kundizzjonijiet ta' ħabs fejn jinżammu l-migranti irregolari u dawk li qed ifittxu l-ażil, għalkemm huma ma wettqu l-ebda reat; jitlob li persuni ta' dan it-tip jiġu detenuti f'bini separat, jekk jista' jkun miftuħ, sabiex jiġi żgurat il-ħarsien tagħhom u li jingħataw l-għajnuna;

34.

jinsab imħasseb dwar l-istat ta' abbandun u ta' nuqqas ta' iġjene f'ċerti ċentri ta' detenzjoni; ifakkar li l-obbligu ta' akkoljenza dinjituża għandu japplika wkoll għall-persuni detenuti; jitlob li ċ-ċentri kollha li mhumiex konformi jingħalqu mill-aktar fis;

35.

Josserva li l-aċċess għall-kura tas-saħħa, b'mod partikolari għall-kura psikoloġika, huwa ta' spiss proċess diffiċli, peress li xi ċentri ta' detenzjoni jinsabu fi stabbilimenti tal-ħabs; jitlob lill-Istati Membri sabiex jiżguraw preżenza medika adegwata, inkluża dik psikoloġika, fiċ-ċentri ta' detenzjoni, bil-lejl u binhar;

36.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex itejbu l-kuntatt mad-dinja esterna fejn dan ikun possibbli, anki billi jippermettu żjarat regolari, żieda fl-aċċess għat-telefon, u billi jkun hemm aċċess ġenerali bla ħlas għall-Internet u għall-mezzi ta' komunikazzjoni fiċ-ċentri kollha, taħt ċerti kundizzjonijiet;

37.

Jitlob lill-Istati Membri biex jippubblikaw rapport annwali dwar l-għadd ta' ċentri ta' detenzjoni magħluqa, il-post fejn jinsabu u n-numru ta' persuni miżmuma hemmhekk;

38.

Jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw is-sorveljanza regolari ta' ċentri ta' detenzjoni magħluqa u tal-kondizzjonijiet li fihom in-nies huma miżmuma hemmhekk billi joħolqu ombudsman nazzjonali taċ-ċentri ta' detenzjoni;

Minorenni mhux akkompanjati u familji

39.

ifakkar li l-interess superjuri tat-tfal għandu jkun fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet jew miżuri kollha li jittieħdu u li jkunu jikkonċernaw il-minorenni, f'konformità mal-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal; jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri u jkunu adottati l-mezzi meħtieġa biex għall-ħarsien tal-minorenni mhux akkompanjati, kemm jekk huma refuġjati u jekk mhumiex;

40.

Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw it-twaqqif ta' korpi uffiċjali indipendenti sabiex jissorveljaw l-istandards u l-kondizzjonijiet f'ċentri magħluqa kif ukoll l-implimentazzjoni ta' sistema uffiċjali ta' sorveljanza li tippubblika r-rapporti tagħha;

41.

Jitlob li d-detenzjoni tal-minorenni tkun ipprojbita, bi prinċipju; u li r-rikors għad-detenzjoni tal-minorenni akkompanjati mill-ġenituri tagħhom tkun eċċezzjoni u jkollha l-għan li tiggarantixxi l-aħjar interess tat-tfal;

42.

iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan sabiex jiffirmaw u jirratifikaw, mingħajr l-ebda riserva, il-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal;

43.

Jitlob lill-Istati Membri biex fid-dawl tal-opinjoni ġenerali nru 8(2006) tat-2 ta' Marzu 2007 tal-Kumitat għad-drittijiet tat-tfal tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-dritt tat-tfal li jkunu protetti mill-kastigi korporali u forom oħra ta' kastig krudili u degradanti inkluż fil-familja, speċjalment meta l-minorenni huma detenuti;

44.

ifakkar li l-minorenni kollha għandhom id-dritt għall-edukazzjoni, kemm jekk ikunu fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom u kemm jekk le; jitlob lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu dan id-dritt, anki meta l-minorenni jkun detenut; jitlob li l-aċċess għall-edukazzjoni jseħħ direttament fil-komunità, b'mod xieraq li jikkorrispondi għall-evalwazzjoni tal-livell ta' għarfien tat-tfal, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdi mudelli transizzjonali li jippermettu l-akkwist tal-kapaċitajiet lingwistiċi neċessarji għal edukazzjoni normali, sabiex jiggarantixxi titjib fl-integrazzjoni tat-tfal u tal-familji tagħhom;

45.

ifakkar li l-minorenni għandhom id-dritt għal rikreazzjoni adegwata għall-età tagħhom, u jitlob lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu dan id-dritt anki meta t-tfal ikunu detenuti;

46.

Jitlob li l-Istati Membri jiggarantixxu li l-minorenni mhux akkompanjati u l-familji jitpoġġew f'akkomodazzjoni separata, anki f'detenzjoni, sabiex tkun garantita l-privatezza adegwata u l-ħajja tal-familja kif stabbilita fl-Artikolu 8 tal-KEBR, kif ukoll ambjent protettiv għat-tfal;

47.

jixtieq li l-persuni kollha li jaħdmu mal-minorenni u ma' dawk mhux akkompanjati jirċievu taħriġ speċjalizzat u adegwat għas-sitwazzjoni tat-tfal; jikkunsidra li l-NGOs li jispeċjalizzaw f'dan il-qasam jistgħu jagħtu kontribut kbir għal dan;

Minorenni mhux akkompanjati

48.

Jitlob li gwardjan legali indipendenti jinħatar għal kull minorenni mhux akkompanjat sabiex jiżgura l-protezzjoni tiegħu, anke f'żoni ta' stennija bħal ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija u fit-territorju tal-Istati Membri; jitlob definizzjoni ċara tal-kompetenzi u tal-irwol tal-gwardjan legali;

49.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jintroduċu dover proattiv biex ikunu rintraċċati l-membri tal-familja, inkluż għal organizzazzjonijiet bħal tas-Salib Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar;

50.

jitħasseb dwar il-fenomenu tal-għajbien ta' minorenni mhux akkompanjati; jitlob lill-Istati Membri sabiex iwettqu l-ġbir ta' dejta u ta' statistiċi skond l-Artikolu 4(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 (6) rigward l-identifikazzjoni u l-assistenza mogħtija lill-minorenni mhux akkompanjati sabiex jiġġieldu kontra dan il-fenomenu; jemmen li l-aħjar mod biex jiskoraġġixxi l-għibien tal-minorenni huwa li jkunu provduti faċilitajiet adattati ta' akkoljenza għalihom, fejn jistgħu jirċievu wkoll edukazzjoni adattata għall-età tagħhom (skola, taħriġ vokazzjonali, eċċ.);

51.

Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu mekkaniżmu armonizzat u kredibbli ta' identifikazzjoni ta' minorenni mhux akkompanjati - billi jużaw it-teknoloġiji l-iktar riċenti bħall-użu ta' dejta biometrika - u regoli komuni rigward id-dibattiti dwar l-età; hawnhekk ifakkar li matul il-proċedura tad-dibattitu dwar l-età, il-persuna kkonċernata għandha, minħabba l-prinċipju ta' prekawzjoni, titqies bħala minorenni sakemm tispiċċa l-proċedura u għalhekk tkun trattata bħala tali, u li kull meta jkun hemm dubju raġonevoli dwar l-età ta' minorenni, dan għandu jkun għall-benefiċċju tal-minorenni;

Familji

52.

Jitlob lill-Istati Membri sabiex jistudjaw il-miżuri alternattivi għat-tneħħija ta' libertà, u, fejn xieraq u qabel ma jiġu detenuti familji li jkunu jinkludu l-minorenni, sabiex juru li l-alternattivi kkunsidrati mhumiex effettivi;

53.

jixtieq li l-familji li qegħdin ifittxu l-ażil ikollhom aċċess għal servizzi familjari, għal servizzi ta' tfulija u għal żjarat mediċi speċjalizzati fil-protezzjoni tat-tfulija;

Persuni vulnerabbli

54.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiddefinixxi standards obbligatorji għall-identifikazzjoni tal-persuni vulnerabbli, b'mod partikolari l-vittmi tat-torturi jew tat-traffikar tal-bnedmin, nies li jeħtieġu trattament mediku speċjali, nisa tqal u minorenni;

55.

jikkunsidra li l-persuni vulnerabbli kollha, minħabba fis-sitwazzjoni partikolari tagħhom, m'għandhomx jitpoġġew f'detenzjoni minħabba li dan jista' jkollu riperkussjonijiet serji fuq l-istat tagħhom;

56.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiggarantixxu assistenza speċjalizzata għall-persuni vulnerabbli u għall-vittmi ta' tortura u ta' traffikar, b'mod partikolari għajnuna psikoloġika, sabiex jiggarantixxu l-protezzjoni tagħhom; jitlob li l-istaff kollu li jkun f'kuntatt mal-persuni vulnerabbli, inkluż l-istaff responsabbli mill-applikazzjonijiet għall-ażil u l-pulizija, jirċievi taħriġ speċjalizzat;

Sistema ta' Dublin

57.

jitħasseb dwar iż-żieda fin-numru ta' persuni detenuti fil-kuntest tas-sistema ta' Dublin u dwar ir-rikors kważi-sistematiku għall-miżuri ta' tneħħija ta' libertajiet minn ċerti Stati Membri; jixtieq li dawn il-persuni ma jiġux detenuti jekk ir-riskju li dawn jaħarbu ma jkunx ġie ppruvat u indikat mill-Istat Membru;

58.

jilmenta dwar il-fatt li ċerti Stati Membri jillimitaw l-aċċess ta' persuni skont is-sistema ta' Dublin għall-istandards ta' akkoljenza; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi b'mod ċar li d-Direttiva tal-Akkoljenza tapplika wkoll għal dawn il-persuni sabiex tiżgura li dawn jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha;

*

* *

59.

Jitlob lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 31 6.2.2003, p. 18.

(2)  ĠU L 326 13.12.2005, p. 13.

(3)  ĠU L 50 25.2.2003, p. 1.

(4)  ĠU C 33 E, 9.2.2006, p. 598.

(5)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p.301.

(6)  Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali )ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23).


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/101


It-tisħiħ tal-irwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali

P6_TA(2009)0048

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar it-tisħiħ tal-irwol tal-SMEs Ewropej fil-kummerċ internazzjonali (2008/2205(INI))

(2010/C 67 E/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea għall-Intrapriżi ż-Żgħar, adottata mill-Kunsill Ewropew waqt il-laqgħa f'Santa Maria da Feira tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2000,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza dwar l-Istrateġija ta' Liżbona adottati mill-Kunsill Ewropew f'Liżbona fit-23 u fl-24 ta' Marzu 2000,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-mikrointrapriżi u tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Jannar 2003 bit-titolu “Naħsbu fuq skala żgħira f'Ewropa li dejjem qed tikber” (COM(2003)0026),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2005 bit-titolu “L-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona – Politika Moderna tal-SMEs għat-tkabbir u l-impjiegi” - (COM(2005)0551),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2006 bit-titolu “L-Ewropa Globali: Kompetizzjoni Dinjija – kontribut lill-istrateġija tal-UE għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi” - (COM(2006) 0567),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2007 dwar l-Ewropa Globali – l-aspetti esterni tal-kompetittività (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2007 bit-titolu 'l-Intrapriżi Żgħar u ta' Daqs Medju - Essenzjali għal aktar tkabbir ekonomiku u xogħlijiet. Reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-politika Moderna għall-SMEs (COM(2007)0592),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' April 2007 bit-titolu “L-Ewropa Globali: Partenarjat aktar b'saħħtu biex itejjeb l-aċċess għas-swieq għall-esportaturi Ewropej” (COM(2007)0183),

wara li kkunsidra r-rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija tal-UE għall-aċċess tas-suq, imressaq mill-Kummissjoni (DG Trade) fit-28 ta' Frar 2007,

wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Grupp ta' Esperti dwar l-appoġġ għall-Internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, ippubblikat mill-Kummissjoni (DG Intraprizi u Industrija, Promozzjoni tal-kompetittività tal-SMEs) f'Diċembru 2007 (3),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 bit-titolu - “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” - “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” (COM(2008)0394),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2006 bit-titolu “Ewropa Globali: Strumenti għad-Difiża tal-Kummerċ tal-UE f'ekonomija dinjija li qed tinbidel - Green Paper għal konsultazzjoni pubblika” (COM(2006)0763),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Settembru 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u ta' kummerċ tal-UE mal-Indja (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2006 dwar ir-rapport annwali mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew dwar attivitajiet ta' anti-dumping, ta' kontra s-sussidji u ta' salvagwardja ta' pajjiżi terzi kontra l-Komunità (2004) (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2006 dwar l-evalwazzjoni tar-Round ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Hong Kong (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur għall-konklużjoni ta' Ftehima ta' Assoċjazzjoni Interreġjonali (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi translatlantiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta Ottubru 2005 dwar il-prospetti għal relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2005 dwar it-tessuti u l-ħwejjeġ wara l-2005 (10),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2006 – li jakkumpanja l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Riformi ekonomiċi u kompetittività: il-messaġġi ewlenin tar-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2006 (SEC(2006)1467),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza adottati mill-Kunsill Ewropew ta' Brussell fit-23 u fl-24 ta' Marzu 2006 (7775/1/2006),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2006 dwar il-kontribut fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2006 fir-rigward tal-Istrateġija ta' Liżbona (11),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adottata b'kunsens fit-2 ta' Diċembru 2006 fis-sessjoni annwali tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 bit-titolu “Lejn Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ riformata” (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-6 ta' Lulju 2006 dwar l-immarkar tal-oriġini (13),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-12 ta' Frar 2007 rigward il-Ftehima tad-WTO dwar l-Appalti Pubbliċi u l-SMEs,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija kif ukoll tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0001/2009),

A.

billi l-SMEs fl-UE, definiti bħala intrapriżi b'inqas minn 250 impjegat u fatturat li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, jammontaw għal 23 miljun intrapriża (99% tat-total) u 75 miljun impjieg (70%) fl-Unjoni Ewropea,

B.

billi aktar minn 96 % tal-SMEs fl-UE għandhom inqas minn 50 impjegat u inqas minn EUR 10 miljun f'fatturat annwali li jillimita l-possibiltajiet tagħhom li jesportaw il-merkanzija u s-servizzi barra mill-fruntieri nazzjonali tagħhom, minħabba l-ispejjeż fissi għoljin marbuta mal-kummerċ internazzjonali;

C.

billi l-prestazjoni internazzjonali tagħhom hija għalhekk strutturalment dgħajfa, għalkemm 8% tal-SMEs fl-Unjoni Ewropea jesportaw barra mill-fruntieri nazzjonali tagħhom u kważi 3% tal-SMEs iqisu l-esportazzjoni tal-merkanzija barra mill-Unjoni Ewropea bħala prijorità; billi b'kuntrast l-aqwa għaxar intrapriżi tal-UE iwettqu biss 96% tal-esportazzjonijiet u tal-investimenti diretti barranin tal-UE,

D.

billi t-tkabbir imbassar fil-pajjiżi terzi mistenni jkun ogħla milli fis-suq intern, u dan se joħloq opportunitajiet ġodda għall-SMEs li jesportaw,

E.

billi l-SMEs se jiffaċċjaw kompetizzjoni aktar intensiva fl-Unjoni Ewropea minn kompetituri li ġejjin minn pajjiżi terzi,

F.

billi l-aħjar mezzi biex ikunu garantiti opportunitajiet għall-SMEs f'ekonomija globalizzata huma s-swieq miftuħa u l-kompetizzjoni ġusta,

G.

billi kumpaniji internazzjonalizzati wrew iktar kapaċità fl-innovazzjoni; billi l-internazzjonalizzazzjoni u l-innovazzjoni jagħtu l-imbuttatura ewlenija lill-kompetittività u t-tkabbir, li huma kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija ta' Liżbona fir-rigward tat-tkabbir u l-impjiegi,

H.

billi l-internazzjonalizzazzjoni toħloq tkabbir u kompetittività, billi tgħin in-negozji jespandu u b'hekk iżidu l-impjiegi, u billi l-SMEs joħolqu 80% tal-impjiegi ġodda fl-Unjoni Ewropea,

I.

billi l-SMEs iridu jiffaċċjaw problemi speċifiċi meta jibdew il-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni, bħan-nuqqas ta' esperjenza internazzjonali tagħhom, id-diffikultà li jiksbu aċċess għal finanzi, in-nuqqas ta' ħaddiema b'esperjenza, u qafas ta' liġijiet internazzjonali kumpless ħafna u dawn il-piżijiet jiddiswaduhom milli jagħmlu l-bdil strutturali meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-internazzjonalizzazzjoni,

J.

billi l-SMEs li qegħdin fil-kummerċ internazzjonali għandhom irwol fit-tiswir mill-ġdid tal-għamla ekonomika tal-UE b'mod li jsiru l-ġenerazzjoni li jmiss ta' kumpaniji kbar li teħtieġ l-Unjoni Ewropea sabiex tiksib l-objettiv ta' 3% tal-Prodott Gross Domestiku minfuq fir-Riċerka u l-Iżvilupp,

K.

billi l-SMEs tal-UE għandhom interess ewlieni fis-swieq l-iktar qrib ġeografikament u kulturalment, jiġifieri fir-reġjuni konfinanti tal-Unjoni Ewropea bħall-Istati tal-Mediterran u tal-Balkani tal-Punent,

L.

billi l-kompetittività tiddependi wkoll fuq il-kapaċità li l-SMEs ikollhom il-garanzija ta' protezzjoni xierqa kontra l-prattiki kummerċjali mhux ġusti; billi l-produzzjoni tal-manifattura fl-Unjoni Ewropea hija settur importanti għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi,

Il-qafas multilaterali u d-WTO

1.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li s-sistema tad-WTO tiżgura li tqis iktar l-irwol tal-SMEs u l-interessi tagħhom; ifakkar li l-SMEs jeħtieġu qafas normattiv internazzjonali ċar u li jaħdem;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-ambitu tan-negozjati fid-WTO tfassal regoli speċifiċi simplifikati dwar l-SMEs fiz-zoni ta' kummerċ ħieles, kif ukoll dispożizzjonijiet speċjali marbuta mal-ħtiġijiet tal-SMEs;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu l-prijoritajiet tagħhom fil-qafas multilaterali filwaqt li jiffavorixxu t-tneħħija tal-ostakli kemm dawk tariffarji u kemm dawk mhux tariffarji, il-promozzjoni tal-kummerċ internazzjonali permezz ta' miżuri xierqa ta' simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-istandards;

4.

Iqis li jeħtieġ li s-sistema ta' skambji internazzjonali issir anqas ta' piż għall-SMEs u li jkun ikkunsidrat il-ħolqien ta' sistema ta' qrati arbitrarji internazzjonali li jkollhom proċedura qasira u li tkun titlob inqas sforz biex tippermetti lill-SMEs li jevitaw id-dewmien u d-diffikultajiet li ġġib magħha tilwima mal-awtoritajiet tad-dwana jew kummerċjali f'xi pajjiżi terzi;

5.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu sforz attiv biex jilħqu ftehima multilaterali globali dwar 'il-faċilitazzjoni tal-kummerċ', inter alia, sabiex l-SMEs tal-UE jibbenefikaw bis-sħiħ mill-globalizzazzjoni u mill-ftuħ ta' swieq ta' pajjiżi terzi;

6.

Jappoġġja b'mod partikulari l-adozzjoni ta' pożizzjoni soda fin-negozjati dwar proċeduri li jiffaċilitaw il-kummerċ, sabiex ikun hemm tnaqqis fil-prezz tal-proċeduri tad-dwana, li jistgħu jilħqu sa l-15% tal-valur tal-merkanzija kummerċjalizzata, permezz ta' proċeduri trasparenti u simplifikati, armonizzazzjoni ta' standards internazzjonali, effikaċità tar-reġistru tal-oriġini tal-beni, u modernizzazzjoni tal-kontrolli tad-dwana;

7.

Jenfasizza l-importanza li għandha għall-SMEs il-konklużjoni tan-negozjati fil-kapitoli kollha tar-Round ta' Doha għall-Iżvilupp;

Il-Komunikazzjoni “Ewropa Globali”

8.

Jappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni biex toffri lill-Unjoni Ewropea strateġija globali li tkopri l-aspetti esterni kollha tal-kompetittività Ewropea u tgħin biex ikun żgurat li l-objettivi tal-Istrateġija tal-Liżbona jintlaħqu kompletament, imma jinnota b'dispjaċir l-assenza ta' inizjattivi speċifiċi favur l-SMEs, li jipprovdu żewġ terzi tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex joffru rimedju għal dan in-nuqqas mingħajr dewmien, u biex jistipulaw objettivi ambizzjużi, imma fl-istess ħin realistiċi, biex ikunu salvagwardati l-interessi tal-SMEs u jagħmlu disponibbli l-mezzi u r-riżorsi meħtieġa; jinnota l-importanza ta' Regolament effettiv dwar l-Ostakli għall-Kummerċ bħala strument komplimentari għal dak il-għan;

9.

Iqis li jeħtieġ li jkun hemm liberalizzazzjoni reċiproka tal-kummerċ għall-SMEs u għalhekk iħoss li l-Kummissjoni għandha tfassal soluzzjoni espliċita għad-diffikultajiet marbuta mal-esportazzjoni li jiffaċċjaw l-SMEs fl-UE, billi tispjega liema strumenti nazzjonali jew Ewropej għandha tuża l-Unjoni Ewropea biex tgħin lill-SMEs itejbu l-prestazjoni tagħhom fis-swieq globali;

Riforma tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali (TDIs)

10.

Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira l-proposti għal riforma tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali li jinsabu fil-Green Paper imsemmija hawn fuq magħmula għall-konsultazzjoni tal-pubbliku;

11.

Huwa tal-parir li r-riformi tal-Kummissjoni mhux biss ma kinux se jkunu ta' ġid għall-kompetittività esterna tal-industrija tal-UE, iżda kienu jkunu ta' ħsara gravi ikbar għal dawk is-setturi industrijali tal-UE mqiegħda fil-periklu minn prodotti barranin li jkunu ssussidjati illegalment jew li jkunu ffavoriti b'mod eċċessiv mill-prattika tad-dumping; jinsisti li s-sistema tal-Istrumenti ta' Difiża Kummerċjali (sistema TDI) trid tkompli tkun proċedura kważi ġudizzjarja, ibbażata fuq evalwazzjonijiet oġġettivi u fattwali, sabiex ikun hemm prevedibiltà u ċertezza legali;

12.

Iqis li fin-nuqqas ta' regoli dwar il-kompetizzjoni rikonoxxuti b'mod internazzjonali, is-sistema Ewropea ta' TDI hija l-aħjar metodu biex ikunu żgurati kundizzjonijiet indaqs għall-atturi kollha u huwa tal-opinjoni li l-kumpaniji tal-UE, speċjalment l-SMEs, jeħtiġilhom mekkaniżmu effettiv biex jiġġieldu l-prattiki kummerċjali mhux ġusti;

13.

Jenfasizza li s-sistema TDI għandha l-għan li tipproteġi l-interessi tal-produtturi u tal-impjegati kontra l-iżvantaġġi maħluqa mid-dumping jew mis-sussidji illegali; minħabba l-importanza tal-Istrument ta' Difiża Kummerċjali, jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza, il-prevedibilità u l-aċċessibilità tal-investigazzjonijiet, b'mod partikulari għall-SMEs u biex tħaffef u tissimplifka l-proċeduri;

14.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jintroduċu miżuri ta' informazzjoni u taħriġ għall-SMEs sabiex iħeġġuhom jagħmlu użu mill-Istrumenti ta' Difiża Kummerċjali; iqis li l-Kummissjoni, filwaqt li tieħu pożizzjoni newtrali, għandha tipprovdi għajnuna speċifika għall-SMEs waqt l-istadji kollha differenti ta' investigazzjonijiet dwar id-difiża kummerċjali; iqis, f'dan ir-rigward, li huwa meħtieġ li jittejbu s-servizzi offruti għall-SMEs mill-helpdesk dwar l-Istrument ta' Difiża Kummerċjali;

15.

Jidispjaċih li kien hemm biss għadd limitat ta' investigazzjonijiet li kienu jirrigwardaw setturi industrijali b' konċentrazzjoni għolja ta' SMEs; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu kull pass possibbli, u mingħajr dewmien, biex tirranġa l-prattika attwali bil-għan li ssostni d-drittijiet tal-SMEs b'mod aktar effettiv u tagħtihom garanzija ta' aċċess iktar faċli għas-salvagwardji taħt it-TDIs;

16.

Iqis, f'dan ir-rigward, li l-kunċett ta' 'proporzjon ta' produzzjoni totali Komunitarja' fir-Regolament dwar l-Ostakli għall-Kummerċ (14) diġà joffri possibilitajiet lill-SMEs biex iniedu lmenti, imma madankollu jappella lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun possibbli li l-assoċjazzjonijiet professjonali b'rappreżentazzjoni għolja ta' SMEs jkunu jistgħu jirrappreżentawhom quddiem il-Kummissjoni mingħajr ma jinbidel il-limitu attwali;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirreaġixxi b'mod xieraq u malajr għall-pajjiżi terzi li jużaw l-istrumenti ta' difiża kummerċjali b'mod illegali, b'mod partikulari meta dawn il-miżuri jolqtu lill-SMEs tal-UE;

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali(IPRs) u l-marki tal-oriġini

18.

Jenfasizza li bħala kundizzjoni minn qabel għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda, l-SMEs jeħtiġilhom li l-IPRs jitħarsu b'mod effikaċi sabiex ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet internazzjonali; għalhekk jenfasizza li sistema ta' Drittijiet ta' Propjetà Intellettwali (IPR) sempliċi u effiċjenti hija l-għodda ewlenija fil-promozzjoni tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs;

19.

Ifakkar fiż-żieda sinifikati fil-ksur tal-liġijiet tal-IPR li jolqtu l-SMEs tal-UE fl-aħħar snin u li l-iffalsifikar ma jikkonċernax biss l-industrija l-kbira iżda wkoll l-SMEs li rnexxielhom joħolqu prodotti ta' kwalità u kompetittivi, u li minħabba l-iffalsifikar dawn jistgħu iġarrbu konsegwenzi serji, li f'ċerti każi, jistgħu jipperikolaw is-sopravivenza tagħhom;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimpenjaw irwieħhom b'ħeġġa mġedda għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-fenomenu tal-iffalsifikar, kemm permezza ta' politiki interni xierqa kif ukoll permezz ta' inizjattivi internazzjonali, multilaterali (pereżempju l-Ftehima ta' Kontra l-Iffalsifikar tal-Kummerċ) u bilaterali (ftehimiet ġodda ta' koperazzjoni ekonomika ma' pajjiżi terzi), li jkunu jqisu kif jixraq l-impatt li għandu l-iffalsifkar fuq l-SMEs; jenfasizza li għall-SMEs il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-drittijiet tal-brevetti huma importanti bl-istess mod jekk mhux aktar mill-protezzjoni tat-trademarks u tad-drittijiet tal-awtur (copyrights); jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jassiguraw li dawn il-miżuri ma jiksrux l-istandards għoljin tal-protezzjoni tad-dejta fl-UE;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu lill-SMEs biex jużaw strumenti, bħall-brevetti, biex jiżguraw il-patrimonju tal-għarfien tagħhom u jipproteġu lilhom infushom kontra l-kopji u l-iffalsifikar;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissorveljaw u jirreaġixxu fil-każ ta' ksur tal-IPRs u jistiednu l-isħab kummerċjali tagħhom biex isegwu b'mod aktar strett il-ftehima TRIPS u l-istandards nazzjonali tagħhom ta' protezzjoni ta' proprjetà intelletwali;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-kontroll tal-importazzjonijiet mill-awtoritajiet tad-dwana sabiex ikun żgurat livell iktar effettiv ta' ħarsien kontra prodotti li jiksru l-IPRs miżmuma minn kumpaniji tal-UE;

24.

Jiddispjaċih għad-dewmien fl-introduzzjoni ta' sistema Komunitarja ta' mmarkar tal-orġini għal ċertu tip ta' prodotti minn pajjiżi mhux Ewropej (bħat-tessuti u ż-żraben) (15) u juri t-tħassib tiegħu dwar dan il-ksur ċar tad-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex mingħajr dewmien ineħħu l-ostakli li s'issa xekklu d-dħul fis-seħħ ta' din il-leġiżlazzjoni u biex jippromwovu l-oriġini Ewropea tal-prodotti tagħhom, li spiss hija meqjusa mill-konsumaturi bħala garanzija ta' kwalità, ta' sigurtà u ta' rispett għal standards ta' produzzjoni għolja;

Strateġija ta' aċċess għas-swieq tal-pajjiżi terzi

25.

Jenfasizza li l-iffaċilitar tal-aċċess għal swieq internazzjonali għall-SMEs jista' jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, jipproteġi u jżid il-valur tal-impjiegi eżistenti, iħares u joħloq opportunità ta' skambju tal-għarfien u tal-fatturi speċifiċi tal-industrija tal-UE u jagħti lill-Istati Membri garanzija ta' tkabbir ekonomiku sod u dejjiemi;

26.

Jilqa' b'sodisfazzjoni l-isforzi attwali tal-Kummissjoni biex tipprovdi għall-SMEs aċċess għal swieq ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-Gruppi tal-UE speċjalizzati fl-Aċċess għas-Swieq jaħdmu b'suċċess f'pajjżi terzi, speċjalment fl-ekonomiji emerġenti, bl-involviment tal-organizzazzjonijiet professjonali relevanti;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu t-twassil ta' informazzjoni dwar swieq f'pajjiżi terzi u, fost affarijiet oħrajn, jistabbilixxu taqsimiet dedikati għall-SMEs u jirrazzjonalizzaw il-Bażi ta' Data dwar l-Aċċess għas-Swieq, b'hekk ikun żgurat aċċess aktar faċli b'mod speċjali għall-operaturi tal-SMEs;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika l-Bażi tad-Data dwar l-Aċċess għas-Swieq biex ikun aktar faċli għall-SMEs li jikkonsultawha; barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi miżuri li jippubbliċizzaw bażi ta' data bħal dawn;

29.

Iqis li t-Timijiet Speċjalizzati fl-Aċċess għas-Swieq imwaqqfa mid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f'pajjiżi terzi għandhom ikunu imsaħħa u fi ħdanhom għandu jitwaqqaf grupp li jkun responsabbli b'mod speċifiku għall-monitoraġġ ta' kwistjonijiet marbuta mal-SMEs, magħmul minn speċjalisti fi kwistjonijiet ta' kumpaniji;

30.

Jappoġġa l-ħolqien taċ-Ċentri Ewropej ta' Kummerċ fis-swieq ewlenin Indjani u Ċiniżi, li jaħdmu flimkien mal-kmamar tal-kummerċ u r-rappreżentanti kummerċjali nazzjonali biex jgħinu lill-SMEs isibu sħab bil-kapaċitajiet meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jippenetraw f'dawn is-swieq lokali;

31.

Iqis li s-suċċess tal-istrateġija dwar l-aċċess għas-swieq teħtieġ ukoll appoġġ f'termini ta' informazzjoni u iktar setgħa ta' influwenza għall-kmamar tal-kummerċ nazzjonali barra l-Unjoni Ewropea; jagħti appoġġ lill-programmi bilaterali li jiffavorixxu aċċess speċifiku tal-SMEs għas-swieq ta' pajjiżi terzi, minħabba s-suċċess ta' Al Invest (l-Amerika Latina), Medinvest (il-Mediterran) u Proinvest(il-pajjiżi tal-ACP);

32.

Jirrimarka li l-istandardizzazzjoni tista' twassal għal innovazzjoni u kompetittività billi tiffaċilita l-aċċess għas-swieq u billi tippermetti l-interoperabilità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżid il-promozzjoni ta' standards Ewropej internazzjonalment;

L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar Ewropew, il-kompetittività u l-kummerċ internazzjonali

33.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar bħala opportunità importanti biex il-politiki kollha tal-UE jiġu mmirati b'mod effettiv lejn l-SMEs; iqis li, b'rabta ma' dan, hemm il-ħtieġa tal-involviment sħiħ tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE bl-iskop li jiġi żgurat li l-prinċipju “Aħseb fiż-żgħir l-ewwel” jiġi applikat;

34.

Josserva li hawn SMEs Ewropej li huma kompetittivi ħafna, li huma mexxejja dinjija fi swieq speċjalizzati u speċifiċi ħafna u għalhekk huma l-mutur għall-avvanz tal-Istrateġija ta' Liżbona;

35.

Iqis li l-internalizzazzjoni tal-SMEs hija objettiv primarju tal-politika kummerċjali u għandha tikkostitwixxi l-ġebla tax-xewka tal-Att Ewropew dwar in-Negozji ż-Żgħar, li se jikkostitwixxi qafas stabbli, omoġenju, li jorbot u globali għall-politiki tal-Kummissjoni dwar l-SMEs;

36.

Iqis li sabiex tiġi promossa l-preżenza tagħhom f'pajjiżi terzi, l-SMEs għandhom ikollhom impjegati dedikati li jittrattaw b'mod speċifiku l-internazzjonalizzazzjoni, li rari ssir; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex bil-għan li jingħeleb dan l-ostaklu, jippromwovu t-twaqqif ta' konsorzji ta' servizzi li jappoġġaw l-SMEs fil-proċess ta' internazzjonalizzazzjoni;

37.

Iħeġġeġ it-tisħiħ tal-politiki kollha ta' innovazjzoni u ta' ħolqien tal-SMEs; jappoġġa l-ħolqien ta' ċentri Ewropej għall-kompetittività miftuħa għall-SMEs u li jistgħu jilħqu daqs kritiku biżżejjed sabiex jeżistu minkejja l-kompetizzjoni internazzjonali; jappoġġa wkoll l-estenzjoni u l-aġġornar tal-programmi li jagħtu aċċess lill-SMEs għall-finanzi internazzjonali għall-iżvilupp kif ukoll għall-miżuri kollha li għandhom l-għan li jnaqqsu l-ispejjeż tal-operat tagħhom; ifakkar li jeħtieġ li jintlaħqu malajr il-Brevett Ewropew Uniku u l-Istatut tal-Kumpanija Ewropea, sabiex jiffavorixxu t-tranżizzjoni għal skambji kummerċjali barra mis-suq Komunitarju;

38.

Iqis li l-appoġġ politiku u finanzjarju jippromwovi l-innovazzjoni tal-prodott u tal-proċess, billi jtejjeb l-aċċess għall-aspetti finanzjarji u fiskali, kif ukoll għall-koperazzjoni fir-riċerka u t-trasferiment tat-teknoloġija, bħala elementi ewlenin fiż-żieda tal-produttività tal-SMEs, li hija l-bażi ta' kull strateġija ta' suċċess għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs;

39.

Jikkunsidra li l-politiki tas-suq intern għandhom jiffokaw fuq it-titjib tal-qagħda tal-SMEs tal-UE billi joħolqu ambjent kummerċjali li jgħin lill-SMEs u billi jiżguraw li l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-opportunitajiet offruti mis-suq intern; jikkunsidra wkoll li, fejn hu rilevanti, dawn il-politiki għandhom ukoll isaħħu l-irwol internazzjonali tal-SMEs;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra kif is-suq intern jista' jgħin aktar lin-negozji Ewropej biex jikkompetu internazzjonalment;

41.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-kuntratt mogħti u ffirmat mill-Kummissjoni biex isir studju dwar l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs; huwa tal-fehma li l-istudju se jipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata tal-istat tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri effettivi biex tiffaċilita l-prestazjoni tal-SMEs fid-dinja globalizzata;

42.

Jinnota l-importanza ta' intraprendituri tas-sengħa u mħarrġa biex jaffaċċjaw l-isfidi tan-negozju internazzjonali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-ammont ta' programmi ta' taħriġ għall-intraprendituri dwar l-ambjent globalizzat tan-negozju (bħal ma huma l-iskemi tan-Netwerk Ewropew tal-Intrapriżi u l-“Gateway to China”); jitlob li jkun hemm żieda fil-kooperazzjoni bejn l-SMEs u l-universitajiet sabiex jitjiebu r-riċerka u l-innovazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-ħolqien ta' programm ta' skambju speċjali tal-UE għall-intraprendituri żgħażagħ ibbażat fuq il-programmi Erasmus/Leonardo da Vinci;

43.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-organizzazzjoni tal-“Ġimgħa Ewropea tal-SMEs” f'Mejju 2009 u jipproponi li dan l-avveniment jintuża biex jipprovdi informazzjoni lill-SMEs dwar kif jiżviluppaw l-attivitajiet ta' esportazzjoni tagħhom barra l-Unjoni Ewropea;

Ftehimiet ta' kummerċ ħieles

44.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti aktar attenzjoni lill-evalwazzjoni tal-impatt li jista' jkollhom il-ftehimiet ta' ġenerazzjoni ġdida ta' kummerċ ħieles negozjati ma' pajjiżi terzi fuq l-SMEs tal-UE u biex tqis din l-evalwazzjoni fil-fażi tan-negozjati;

45.

Huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha timmira biex tikkonkludi l-ftehimet ta' kummerċ ħieles jew ta' ftehimiet kummerċjali oħra li jkunu vantaġġużi għall-ekonomija Ewropea kollha u b'mod partikulari għall-SMEs jew li jipprovdu konċessjonijiet kummerċjali fuq livell simili, b'mod differenti minn dawk fir-rigward ta' pajjiżi inqas żviluppati;

46.

Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi li huma membri tal-Ftehima ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikulari lill-SMEs fir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma' pajjiżi bħal dawn;

47.

Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiggarantixxi monitoraġġ permanenti ta' dawn il-ftehimiet u li hija tintervjeni mingħajr dewmien fil-każ ta' nuqqas ta' rispett tal-obbligi li jkunu assumew il-kontrapartijiet;

48.

Jenfasizza l-importanza ta' swieq ġeografikament iktar viċin għall-SMEs u jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni speċjali lill-SMEs fir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi bħal dawn; f'dan il-kuntest jilqa' b'sodisfazzjon ir-referenza għall-Inizjattiva Mediterranja tal-Iżvilupp tal-Intrapriżi, li tinsab fid-Dikjarazzjoni tas-Samit ta' Pariġi tat-13 ta' Lulju 2008 dwar l-Unjoni għall-Mediterran;

49.

Jinnota l-irwol importanti li l-SMEs għandhom fit-trasferiment tat-teknoloġija dwar il-bidla fil-klima u l-importanza tal-parteċipazzjoni attiva tal-SMEs fl-għajnuna għall-iżvilupp;

L-appalti pubbliċi

50.

Ifakkar li l-appalti pubbliċi huma wieħed mis-setturi ekonomiċi l-aktar promettenti tal-ekonomija Ewropea u għall-SMEs b'mod partikulari; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet persistenti f'ħafna pajjiżi terzi, li jirrifjutaw li jiggarantixxu lill-kumpaniji Ewropej aċċess simili għall-proċeduri ta' appalt tagħhom jew li japplikaw standards li, f'ħafna każi, mhumiex trasparenti u ġusti;

51.

Huwa tal-fehma li l-SMEs tal-UE għandu jkollhom l-istess livell ta' vantaġġi u ta' possibiltajiet fil-qasam tal-appalti pubbliċi fil-pajjiżi industrijalizzati prinċipali (fosthom l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Ġappun) l-istess bħal dawk li jgawdu minnhom fl-UE; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiggarantixxi li l-SMEs Ewropej ikollhom aċċess aħjar għas-swieq tal-appalti pubbliċi fil-pajjiżi terzi u li jgawdu minn kundizzjonijiet indaqs ta' kompetizzjoni fis-setturi marbuta mal-appalti pubbliċi jekk meħtieġ billi jiġi applikat il-prinċipju ta' reċiproċità;

52.

Iqis li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ li tieħu azzjoni infurmata u effettiva biex tiżgura drittijiet ugwali għall-kumpaniji tal-UE, u b'mod partikulari għall-SMEs;

53.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti realistiċi u kostruttivi bil-għan li fil-futur jerġa' jkun hemm negozjati u tisħiħ tal-Ftehima WTO dwar l-Appalti Pubbliċi;

54.

Iqis li l-appalti pubbliċi għandhom ikunu fattur ewlieni fin-negozjati kollha bilaterali u reġjonali li tagħmel l-Unjoni Ewropea, bil-għan li s-swieq tal-appalti pubbliċi jinfetħu b'mod bilanċjat;

55.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni, li tinsab fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Ewropa Globali, biex jiġu applikati restrizzjonijiet fuq l-appalti pubbliċi Ewropej fir-rigward tal-pajjiżi li ma joffrux aċċess għas-swieq pubbliċi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultati li nkisbu s'issa u dwar l-inizjattivi li għandha l-ħsieb li tieħu biex itejjeb l-aċċess tal-SMEs tal-UE għall-appalti pubbliċi tal-pajjiżi terzi;

Prodotti agrikoli u indikazzjonijiet ġeografiċi

56.

Ifakkar fl-importanza tal-aċċess għas-swieq agrikoli għall-SMEs Ewropej fis-settur u jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tan-negozjati kummerċjali multilaterali u bilaterali futuri, biex ma tissagrifikax is-salvagwardji tariffarji li għadu jgawdi s-settur biex minflok tiggarantixxi li l-prodotti agrikoli Ewropej l-aktar kompetittivi u l-aktar magħrufa ma jkunux ippenalizzati aktar milli jkun hemm bżonn minn prattiki antikompetittivi li ddaħħlu minn membri oħra tad-WTO; iqis li huwa indispensabbli li jsir progress sostanzjali fl-indikaturi ġeografiċi sabiex ikun hemm riżultati bbilanċjati fil-biedja fil-qafas tan-negozjati tar-Round ta' Doha;

57.

Jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li joħolqu qafas internazzjonali ta' referenza aktar ċar u aktar bilanċjat fil-qasam tal-indikazzjonijiet ġeografiċi; iqis li huwa inaċċettabbli li d-denominazzjonijiet u l-indikazzjonijiet ġeografiċi ta' ħafna prodotti tal-ikel agrikoli jintużaw spiss bi ħsara għall-SMEs Ewropej, b'mod partikulari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintervjenu b'mod deċiżiv fir-rigward tal-pajjiżi li jużaw ostakli mhux tariffarji bħal dawn biex iħarsu aktar milli jixraq is-swieq tagħhom;

58.

Jappoġġja l-ħolqien ta' reġistru multilaterali internazzjonali tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li jkun jippermetti lill-SMEs li jħarsu l-indikazzjonijiet ġeografiċi tagħhom b'mod li jkun sempliċi u ekonomiku; iqis li l-lista tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti għandha tkun supplimentata u estiża għall-prodotti kollha tal-UE li, min-natura tagħhom jew mill-post jew metodu ta' produzzjoni tagħhom, jipprovdu lill-SMEs Ewropej b' “vantaġġ kumparattiv” fuq prodotti simili minn pajjiżi terzi;

59.

Iħeġġeġ lill-membri l-oħra tad-WTO biex jiżguraw aċċess komplet għall-prodotti tal-UE li huma mħarsa minn indikazzjonijiet ġeografiċi u, fejn xieraq, jirtiraw mis-suq kwalunkwe prodott nazzjonali li juża denominazzjoni bħal din mingħajr ma jkunu eliġibbli jew mill-inqas jagħtu aċċess sħiħ għall-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti u għad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetta tal-UE li diġà jintużaw jew li nbidlu f'denominazzjonijiet ġeneriċi;

Appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs

60.

Iqis li l-programmi ta' appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs fl-isfera nazzjonali jew reġjonali huma għodda utli ħafna u qegħdin jagħtu riżultati tajbin; jappella biex dawn jibqħu jingħataw kofinanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali kif ukoll iktar riżorsi finanzjarji għal proġetti ta' koperazzjoni f'livell transnazzjonali żviluppati bejn assoċjazzjonijiet settorjali, bl-għan li jappoġġaw il-kapaċità ta' esportazzjoni u ta' internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs, jinfetħu b'mod konġunt swieq ġodda u jiġu żviluppati strateġiji komuni ta' kummerċ f'pajjiżi terzi;

61.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs, speċjalment għall-mikrokrediti; jemmen li l-instrumenti komunitarji bħal Fond Ewropew tal-Investiment, il-Programm Qafas ta' Kompetittività u ta' Innovazzjoni u r-Riżorsi Konġunti Ewropej għal intrapriżi żgħar ħafna sa dawk medji (JEREMIE), jistgħu jikkontribbwixxu għall-ħolqien ta' qafas aħjar għall-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs bi proġetti ta' internazzjonalizzazzjoni;

62.

Iqis li jridu jkunu promossi proġetti konġunti jew ftehimiet oħra ta' assoċjazzjoni bejn l-SMEs bħala strateġija biex jidħlu fi swieq ġodda, jiżviluppaw proġetti ta' invetsiment dirett f'pajjiżi terzi u jieħdu sehem fis-sejħiet għal offerti; jitlob lill-Kummissjoni biex timmobilizza r-riżorsi, speċjalment permezz tal-objettiv tal-koperazzjoni territorjali Ewropea, biex tippromwovi l-koperazzjoni fuq livell transnazzjonali bejn l-SMEs tal-Unjoni Ewropea;

Kunsiderazzjonijiet finali

63.

Huwa tal-fehma li l-iżvilupp u l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs tal-UE jeħtieġu attenzjoni u appoġġ speċjali fit-tfassil ta' politika kummerċjali tal-UE;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw bis-sħiħ lill-SMEs fil-kriżi finanzjarja ta' bħalissa billi tiggarandilhom kreditu disponibbli bil-għan li jittejjeb l-iżvilupp tagħhom;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoperaw bejniethom bil-għan li jiddefinixxu politika koerenti u ambizzjuża li tkun tippermetti lill-SMEs Ewropej li jiżviluppaw b'mod armonjuż u b'rata ta' tkabbir ogħla, li jiksbu aċċess għal swieq ġodda, u b'mod aktar ġenerali, li jkabbru l-attivitajiet tagħhom ta' esportazzjoni u ta' internazzjonalizzazzjoni tagħhom;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw l-iżvilupp tal-SMEs tal-UE permezz ta' appoġġ politiku u finanzjarju f'dak li jirrigwarda l-modernizzazzjoni tagħhom u t-taħriġ tal-maniġers u l-ħaddiema tagħhom; f'dan ir-rigward jenfasizza l-importanza tat-taħriġ kontinwu għall-operaturi tal-SMEs u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet li jwasslu biex jiżvolġu attivitajiet bħal dawn; iqis li huwa essenzjali li l-UE tassumi b'mod sħiħ id-difiża ta' dan il-patrimonju ta' għarfien, ta' tradizzjonijiet u ta' sengħa li l-SMEs bnew u għarfu jivvalorizzaw;

67.

Iqis li trid tkun iggarantita koordinazzjoni iktar effettiva kemm fi ħdan il-Komunità kif ukoll bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u partijiet interessati oħra; jappella biex fi żmien xieraq ikun infurmat dwar kwalunkwe inizjattiva futura marbuta mal-kompetittività esterna tal-SMEs u biex ikun involut mill-qrib fi kwalunkwe inizjattiva futura li tista' tieħu l-Unjoni Ewropea;

*

* *

68.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-membri tad-WTO u lid-WTO.


(1)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(2)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 128.

(3)  http://ec.europa.eu/enterprise/entrepreneurship/support_measures/internationalisation/report_internat.pdf

(4)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 400.

(5)  ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 276.

(6)  ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.

(7)  ĠU C 308 E, 16.12.2006, p. 182.

(8)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 235.

(9)  ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 103.

(10)  ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 110.

(11)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 321.

(12)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0180.

(13)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 881.

(14)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi l-proċeduri Komunitarji fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex ikunu żgurat l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunita skond ir-regoli kummerċjali internazzjonali, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (ĠU L 349, 31.12.1994, p.71).

(15)  Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-indikazzjoni tal-pajjiż ta' oriġini ta' ċerti prodotti importati minn pajjiżi terzi (COM(2005)0661).


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/112


Il-Kummerċ Internazzjonali u l-Internet

P6_TA(2009)0049

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-Internet (2008/2204(INI))

(2010/C 67 E/13)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-punt 18 dwar il-Kummerċ fil-Prodotti tat-Teknoloġija ta' l-Informazzjoni (magħruf ukoll bħala l-Ftehim tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni - ITA) tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Singapore tal-Ewwel Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), adottata fit-13 ta' Diċembru 1996,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Ġinevra dwar il-Kummerċ Elettroniku Globali tat-Tieni Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), adottata fl-20 ta' Mejju 1998,

wara li kkunsidra l-preżentazzjoni mill-Komunitajiet Ewropej rigward il-“Kwistjonijiet ta' Klassifikazzjoni u l-Programm ta' Ħidma dwar il-Kummerċ Elettroniku” lill-WTO fid- 9 ta' Mejju 2003,

wara li kkunsidra l-punt 46 dwar il-kummerċ elettroniku tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta' Hong Kong dwar il-Programm ta' Ħidma ta' Doha tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-WTO, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005,

wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/38/KE fir-rigward tal-perijodu tal-applikazzjoni ta' l-arranġamenti fit-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli fuq is-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u xi servizzi forniti b'mezzi elettroniċi u r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar id-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas-7 ta' Mejju 2002 u temenda temporanjament id-Direttiva 77/388/KEE rigward il-valur miżjud lill-arranġamenti tat-taxxa applikabbli fuq servizzi ta' xandir tar-radju u t-televiżjoni u ċertu servizzi fornuti elettronikament (COM(2006)0210),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 792/2002 tas-7 ta' Mejju 2002 li jemenda temporanjament ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam ta' tassazzjoni indiretta (VAT) rigward miżuri addizzjonali li jirrigwardaw il-kummerċ elettroniku (2),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (3),

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta' Settembru 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, id-Direttiva 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u d-Direttiva 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (4), id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (5) u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Mejju 1998 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Inizjattiva Ewropea fil-Kummerċ Elettroniku (7),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar il-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent diġitali (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0020/2009),

A.

billi iktar minn nofs iċ-ċittadini tal-UE u kważi 1.5 biljun persuna madwar id-dinja għandhom aċċess għall-Internet; billi wieħed minn kull tliet ċittadini tal-UE jwettaq xiri online, iżda 30 miljun biss iwettqu xiri transkonfinali fl-UE,

B.

billi skont id-WTO, il-kummerċ elettroniku huwa definit bħala “il-produzzjoni, reklamar, bejgħ u distribuzzjoni ta' prodotti permezz ta' netwerks ta' telekomunikazzjonijiet”,

C.

billi tista' ssir distinzjoni bejn il-kunsinna ta' kontenut permezz ta' mezz ta' ġarr fiżiku u kontenut kodifikat diġitalment u trażmess elettronikament fuq l-Internet u għalhekk indipendentement minn mezz ta' ġarr fiżiku, fuq netwerks fissi u bla wajers,

D.

billi l-kummerċ elettroniku jista' jitwettaq jew fil-forma ta' tranżazzjonijiet minn negozju għal negozju, jew minn negozju għal konsumatur, jew inkella minn konsumatur għal konsumatur; filwaqt li l-kummerċ fuq pjattaforma tal-Internet biddel profondament il-mod li bih in-nies jinnegozjaw il-prodotti u s-servizzi, u ħoloq opportunitajiet ġodda b'mod partikolari biex l- intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jilħqu klijenti ġodda lil hinn mill-fruntiera,

E.

billi ż-żamma tad-disponibbiltà tal-Internet tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għat-tkabbir kontinwu tiegħu, kif ukoll dak ta' ekonomija u kummerċ globali iktar wiesa', li qiegħed jitwettaq b'dipendenza dejjem tiżdied fuq l-Internet,

F.

billi l-SMEs jistgħu jieħdu benefiċċju partikolari mill-kummerċ elettroniku f'termini ta' aċċess għal swieq esterni; billi, madankollu, l-iżvilupp totali ta' dawn il-metodi ta' kummerċ elettroniku ġodda għadu jsib bosta ostakoli rigward l-applikazzjoni prattika tagħhom,

G.

billi l-moviment liberu ta' informazzjoni huwa essenzjali sabiex ikun faċilitat il-kummerċ elettroniku u netwerk miftuħ u sigur li jippermetti t-tixrid ta' u l-aċċess għal informazzjoni tal-Internet jikkostitwixxi l-bażi li fuqha qed tinbena l-ekonomija globali tas-seklu 21,

H.

billi t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICTs) issa huma komuni fl-ekonomija u li qed jiġu żviluppati u mxerrda pjattaformi u netwerks ġodda; billi jeżisti l-bżonn għal standards miftuħa li huma importanti għall-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u l-għażla effettiva tal-konsumatur,

I.

billi l-iżvilupp ulterjuri tal-ambjent kummerċjali “diġitalizzat” il-ġdid diġà pprovda u qed ikompli jipprovdi opportunitajiet ġodda għal tranżazzjonijiet ta' negozju tradizzjonali u moderni, biex tittejjeb il-pożizzjoni tal-konsumatur fil-katina kummerċjali u biex wieħed jasal għal mudelli ta' kummerċ totalment ġodda fir-relazzjonijiet bejn il-konsumatur u l-produttur,

J.

billi l-Internet joffri lill-konsumaturi l-possibbiltà li jagħmlu deċiżjonijiet iktar infurmati f'termini ta' kwalità u ta' prezz, meta mqabbla ma' mezzi tradizzjonali ta' xiri, u billi r-reklamar online sar mezz importanti li jiffaċilita l-kummerċ transkonfinali għal kumpaniji tad-daqsijiet kollha, iżda b'mod partikolari għall-SMEs sabiex dawn ikunu jistgħu jilħqu klijenti ġodda,

K.

billi ż-żieda fl-użu tal-Internet għal negozju jġib miegħu opportunitajiet sinifikanti, iżda wkoll ċertu sfidi,

L.

billi l-kumpaniji li joffru servizzi b'kontenut għandhom ikunu mħeġġa biex ikunu involuti f'mudelli ta' kummerċ ġodda u innovattivi li jinkorporaw l-opportunitajiet offruti mill-Internet u l-kummerċ elettroniku,

M.

billi t-teknoloġija u l-ekonomija se jiddettaw soluzzjonijiet legali peress li huwa ovvju li t-taħlita ta' oqfsa legali mhijiex adegwata,

N.

billi l-kummerċ elettroniku ġeneralment jiddependi fuq protezzjoni ta' proprjetà intellettwali, u billi ambjent legali sigur u prevedibbli għall-protezzjoni ta' proprjetà intellettwali, kif ukoll eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, huma neċessarji sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni teknoloġika u t-trasferiment/tixrid tat-teknoloġija,

O.

billi kien osservat li skont il-liġi nazzjonali ta' msieħba kummerċjali importanti tal-UE, l-ewwel għandha tkun miksuba liċenzja ta' telekomunikazzjonijiet sabiex wieħed ikun jista' jipprovdi servizzi ta' kummerċ elettroniku, u dan għalhekk joħloq obbligu mhux neċessarju, speċjalment fid-dawl tal-proċeduri kumplessi li japplikaw fl-għoti ta' dawn il-liċenzji,

P.

billi l-irwol tal-kummerċ elettroniku fost membri tad-WTO kiber malajr f'oqsma bħal dak bankarju, is-settur tat-telekomunikazzjonjiet, l-industrija tal-kompjuter, l-industrija tar-reklamar, is-servizzi ta' distribuzzjoni u kunsinna espressa ta' posta; billi n-numru tal-pajjiżi li ma jillimitax l-aċċess transkonfinali f'dawn l-oqsma huwa diġà sustanzjali; billi għaddew għaxar snin mit-tnedija tal-Programm ta' Ħidma tad-WTO dwar il-Kummerċ Elettroniku,

Q.

billi l-punti fundamentali tad-WTO dwar nuqqas ta' diskriminazzjoni, trasparenza u liberalizzazzjoni progressiva għandhom ikunu applikati b'mod li jiġu kkunsidrati l-veloċità u l-interattività tal-Internet, il-metodi ta' ħlas elettroniku, it-tneħħija tal-intermedjarji, iż-żieda fl-integrazzjoni tal-funzjonijiet tal-kummerċ f'sistema online, il-flessibbiltà ikbar ta' organizzazzjonijiet ta' negozju kif ukoll il-frammentazzjoni ikbar ta' negozji,

1.

Jenfasizza l-influwenza pożittiva tal-Internet fuq il-fatturi u l-istadji differenti f'negozju transkonfinali u internazzjonali ta' prodotti u servizzi matul l-aħħar għoxrin sena; jenfasizza li l-karattru inerentement internazzjonali tal-kummerċ elettroniku jirrikjedi ftehim u koperazzjoni universali;

2.

Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni u l-kreattività kummerċjali online qed iżidu l-iżvilupp ta' strateġiji ġodda ta' negozju bħall-kummerċ bejn il-konsumaturi; jinnota li swieq online jaħdmu bħala intermedjarji ġodda sabiex jiffaċilitaw skambji, iżidu aċċess għall-informazzjoni bi prezz baxx ħafna, u ġeneralment jespandu l-iskop ta' relazzjonijiet bejn in-negozji;

3.

Jemmen li l-SMEs u l-imprendituri żgħar li huma parzjalment jew totalment involuti f'attivitajiet ta' kummerċ online, sabu pjattaforma ta' piż amministrattiv u kummerċjali kumparattivament baxx, li minnha, permezz ta' reklamar online speċifiku, jippromwovu u jbiegħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom lil klijentela li dejjem tespandi, u b'dan il-mod jaqbżu l-ostakoli tal-kummerċ, li parti minnhom huma qodma, u jippenetraw swieq preċedentement remoti u magħluqin;

4.

Jirrikonoxxi li problemi rigward il-garanzija tal-kwalità u s-sigurtà tal-prodotti dovuti għan-nuqqas ta' prattiki normali ta' kontroll fl-istadju tad-distribuzzjoni online għandhom ikunu indirizzat b'modi ġodda, bħal punti mogħtija mill-konsumaturi lill-bejjiegħa u opinjonijiet interpares bejn il-konsumaturi;

5.

Jitlob li ssir analiżi dettaljata dwar l-influwenza tal-kummerċ online fuq mudelli u attivitajiet ta' kummerċ konvenzjonali, sabiex ikun hemm għarfien dwar u konsegwentement ikunu evitati effetti ħżiena potenzjali;

6.

Jinnota bi tħassib li ħafna drabi, il-konsumaturi u l-bejjiegħa li jużaw l-ICT huma soġġetti għal trattament diskriminatorju meta jitqabblu mal-konsumaturi u l-bejjiegħa li jagħmlu l-istess tranżazzjonijiet fis-swieq li ma jkunux fuq l-Internet;

7.

Jilqa' l-fatt li l-konsumaturi qed jibbenefikaw mill-aċċess għal medda virtwalment bla limiti ta' prodotti u servizzi minħabba l-abolizzjoni effettiva ta' limitazzjonijiet ġeografiċi, ta' distanza u ta' spazju, kif ukoll il-possibbiltà li jkun hemm informazzjoni trasparenti u imparzjali, paragun ta' prezzijiet u l-konvenjenza ta'fittex u ixtri' online, tul il-jum kollu għal kull min huwa mqabbad mal-Internet id-dar, ix-xogħol jew xi mkien ieħor;

8.

Jinnota li s-suq diġitali emerġenti ta' prodotti u servizzi mhux tanġibbli huwa diġà ikbar mill-kummerċ u l-provvista tradizzjonali u, barra minn hekk, dan ħoloq varjetà ġdida ta' kunċetti ta' kummerċ u ta' valuri ekonomiċi bħall-proprjetà immobbli diġitali (ismijiet ta' domain) u l-aċċess għal informazzjoni (muturi ta' tiftix);

9.

Jissuġġerixxi li aġir illegali bħall-falsifikazzjoni, il-piraterija, il-frodi, il-ksur ta' sikurezza ta' tranżazzjonijiet u l-ksur tal-ispazju privat taċ-ċittadini, m'għandux ikun attribwit għan-natura tal-mezz iżda għandu jitqies bħala aspett tal-attivitajiet kummerċjali illegali li kien jeżisti minn qabel fid-dinja fiżika, u li ġie kemm iffaċilitat kif ukoll imkabbar, minħabba l-bosta possibbiltajiet teknoloġiċi provduti, u li jseħħ prinċipalment meta l-mezz ma joperax fuq bażi ta' konformità mar-regoli fis-seħħ sabiex ikun jista' jibbenefika minn skema ta' responsabilità ġestita; jenfasizza l-bżonn li jinħolqu mekkaniżmi għall-adozzjoni u t-tisħiħ tal-miżuri ta' infurzar neċessarji u adegwati, u ta' koordinazzjoni iktar effettiva u kkonċentrata, li tippermetti li jiġi miġġieled u meqrud l-aġir illegali online eżistenti, speċjalment fir-rigward ta' każi li jistgħu jinvolvu riskji kbar għas-saħħa, bħal mediċini foloz, mingħajr ma jiġi affettwat l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku internazzjonali;

10.

Jappoġġja r-rispett mingħajr kundizzjonijiet tal-moralità pubblika u tal-etika ta' Stati u ta' popli, iżda jiddispjaċih rigward l-użu abbużiv li dejjem qed jiżdied taċ-ċensura fir-rigward ta' servizzi u prodotti online, li jopera bħala ostakolu kummerċjali moħbi;

11.

Jirrikonoxxi l-bżonn għal standards miftuħa u l-importanza tagħhom għall-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u l-għażla effettiva tal-konsumatur; jipproponi li ftehimiet kummerċjali iffirmati mill-Komunità Ewropea għandhom jippromovu l-użu wiesa' u disponibbli tal-Internet għall-kummerċ elettroniku, sakemm il-konsumaturi jkun jista' jkolhom aċċess għal u jużaw is-servizzi u l-prodotti diġitali magħżula minnhom, sakemm dan ma jkunx ipprojbit mill-liġi nazzjonali;

12.

Jikkunsidra li d-daqs taż-żieda fi tranżazzjonijiet transkonfinali, id-diffikultà li tkun identifikata n-natura, l-oriġini u d-destinazzjoni ta' tranżazzjonijiet, u n-nuqqas ta' rekord sekwenzjali ta' verifika u punti ta' influwenza, ipoġġu in kwistjoni n-natura territorjali tal-iskemi fiskali; jinnota li jeżistu opportunitajiet għar-razzjonalizzazzjoni ta' amministrazzjoni tat-taxxa, għal tibdil ta' xogħol ta' kitba bi skambji ta' dejta elettronika u għall-mili b'mod elettroniku ta' rifużjonijiet tat-taxxa, kif ukoll għall-awtomazzjoni tal-proċess tal-ġbir tat-taxxa;

13.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi u l-impriżi jiġu edukati, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu organizzati kampanji ta' informazzjoni fuq il-mezzi tax-xandir dwar il-prospetti ta' żvilupp, il-jeddijiet u l-obbligi tal-partijiet kollha kkonċernati fil-kummerċ internazzjonali fuq l-Internet;

14.

Jiddispjaċih dwar iż-żieda fin-numru ta' inċidenti ta' serq u ta' frodi online, kemm ta' dejta personali kif ukoll ta' flus; jemmen li nuqqas ta' fiduċja fis-sikurezza u s-sigurtà ta' tranżazzjonijiet u pagamenti jikkostitwixxi l-ikbar periklu għall-kummerċ elettroniku tal-futur; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga dwar il-kawżi u tirdoppja l-isforzi tagħha biex jinħolqu mekkaniżmi għat-tisħiħ tal-fiduċja tal-kumpaniji u tal-individwi f'sistemi ta' pagament elettroniku internazzjonali, kif ukoll biex jiġi stabbilit mezz adegwat sabiex tinsab soluzzjoni għall-argumenti relatati ma' prattiki kummerċjali illegali;

15.

Jenfasizza li s-sigurtà u l-kredibilità tat-tranżazzjonijiet marbutin mal-oġġetti jew mas-servizzi kulturali huma essenzjali;

16.

Jinnota li l-fiduċja tiddependi mhux biss fuq modi sempliċi, affidabbli u sikuri kif jintuża l-Internet, iżda wkoll inter alia fuq il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi u d-disponibilità ta' rimedji xierqa;

17.

Jenfasizza l-bżonn għal koperazzjoni regolatorja internazzjonali jekk il-kummerċ elettroniku internazzjonali għandu jikber għall-potenzjal totali tiegħu; jikkunsidra li jeħtieġ li jkun hemm approċċ ġdid u modern għall-oqsma problematiċi ta' kummerċ elettroniku sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jibbenefikaw minn protezzjoni tal-privatezza tagħhom u mit-tnaqqis fl-ispejjeż u mill-opportunitajiet ġodda għal kummerċ li jirriżultaw mill-Internet;

18.

Jikkunsidra li d-diskussjoni għall-isfidi kurrenti u futuri ta' kummerċ tal-Internet globali għandha sseħħ f'qafas strutturat u ta' sostenn reċiproku bbażat fuq sistemi ta' regoli istituzzjonalizzati fost protagonisti interdipendenti, biex b'hekk dan jippermetti proċess modern u inklużiv ta' governanza b'diversi partijiet interessati kif muri fil-Forum ta' Governanza tal-Internet; jinnota li l-modi attwali ta' governanza tal-Internet huma karatterizzati min-natura mħallta tagħhom li jonqosha strumenti ta' tmexxija ġerarkiċi funzjonali u regolatorji;

19.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress fin-negozjati tal-WTO dwar il-kwistjoni importanti tal-klassifikazzjoni tal-hekk imsejħa “prodotti diġitalizzati”, il-fatt li l-Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doha ma tordnax negozjati speċifiċi dwar il-kummerċ elettroniku u li ma sar ebda progress dwar l-iffissar ta' Moratorju permanenti tat-Taxxa Doganali tad-WTO dwar Trażmissjonijiet Elettroniċi; jinnota li għad hemm inċertezza rigward il-valutazzjoni doganali xierqa ta' prodotti diġitali u għad hemm nuqqas ta' ftehim rigward liema regoli u obbligi (Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ tas-Servizzi jew Aspetti Relatati mal-Kummerċ ta' Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali) għandhom japplikaw għal prodotti kkonsenjati diġitalment;

20.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni lid-WTO biex taġġorna u tespandi d-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar Kummerċ fi Prodotti ta' Tekonoloġija ta' Informazzjoni, magħrufa wkoll bħala l-Ftehim tat-Teknoloġija tal-Informatika (ITA), li tistabbilixxi limitu ta' żmien qasir, sabiex tingħata spinta addizzjonali fil-kummerċ ta' dawn il-prodotti, sabiex tiġbed iktar parteċipanti, sabiex tindirizza ostakli mhux tariffarji u sabiex tkun indirizzata ż-żieda fl-isfidi ta' żvilupp u konverġenza teknoloġika; jiddispjaċih, madankollu, dwar l-interpretazzjonijiet varji tal-ITA mill-partijiet u jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ il-kelma u l-ispirtu tal-ITA u biex tappoġġja approċċ modern u realistiku għal kwalunkwe ftehim futur b'konformità mat-talba għal aktar prodotti tal-informazzjoni teknoloġika ħielsa mid-dazju tal-importazzjoni;

21.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar diġà fil-qafas tal-GATS, fit-Trattati tal-Internet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Propjetà Intellettwali (WIPO), il-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Kummerċ Internazzjonali (UNCITRAL), fix-xogħol estensiv tal-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni Ekonomiku u Żvilupp (OECD) u l-qafas estensiv ta' politika li ġie adottat fil-Laqgħa Ministerjali tal-OECD f'Seoul fl-2008, u fis-Samit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni f'Ġinevra f'Diċembru 2003 u f'Tuneż f'Novembru 2005;

22.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjoni Kulturali bħala strument essenzjali biex jiggarantixxi li l-eżenzjoni kulturali għat-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali fi prodotti u servizzi ta' natura kulturali u kreattiva tinżamm fil-qafas internazzjonali tad-WTO; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimplimentaw malajr il-Konvenzjoni fil-politiki kemm interni kif ukoll esterni tal-Unjoni Ewropea;

23.

Jenfasizza l-fatt li ftehimiet ta' kummerċ ħieles bilaterali u reġjonali ma jistgħux jipprovdu risposti kompluti għal aċċess estensiv għas-suq; madanakollu, jistieden lill-UE tinkludi sistematikament fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles bilaterali u reġjonali dispożizzjonijiet espliċiti li jkopru l-użu wiesa' u miftuħ tal-Internet għall-kummerċ fi prodotti u servizzi, u fluss ta' informazzjoni mingħajr xkiel, billi, pereżempju, ma timponix jew ma żżommx ostakli żejda għall-fluss ta' informazzjoni bejn il-fruntieri, u billi tapplika l-prinċipji ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni, regolazzjoni trasparenti u regolazzjoni li mill-inqas tirristrinġi l-kummerċ għat-tranżazzjonijiiet bl-Internet; jappoġġja l-isforzi magħmula mill-UE biex tistabbilixxi djalogu ta' kooperazzjoni dwar kwistjonijiet regolatorji bħala parti mill-ftehimiet bilaterali tagħha ma' imsieħba kummerċjali ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri biex kif jintlaħqu dawn il-ftehimiet ikunu ppreparati jikkontribwixxu għal dan id-djalogu ta' kooperazzjoni;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-applikabilità tal-istrumenti tal-kummerċ sabiex tarmonizza u tiftaħ l-użu ta' spettru sabiex tkun tista' tippromwovi aċċess mobbli għas-servizzi tal-Internet u b'hekk tistimola l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-kompetizzjoni;

25.

Jenfasizza li hemm bżonn li tingħata attenzjoni biex il-provvista ta' servizzi online, inkluż il-kummerċ elettroniku, ma jkunx suġġett għal proċeduri domestiċi ta' awtorizzazzjoni mhux neċessarji, kemm fl-UE u fil-pajjiżi tal-imsieħba kummerċjali tagħna, li jirriżulta f'impediment de facto fil-provvista ta' dawn is-servizzi;

26.

Huwa tal-opinjoni li fil-kuntest tal-akkwist pubbliku internazzjonali, li fih it-teknoloġiji jippermettu li jsir kummerċ elettroniku transkonfinali, forom ġodda ta', pereżempju, irkanti kombinati għal konsorzji tal-SMEs u l-pubblikazzjonijiet fuq l-Internet u l-avviżi ta' sejħiet għall-offerti jippermettu żieda sinifikanti fil-kummerċ tal-akkwisti mhux biss fl-Unjoni Ewropea iżda wkoll fid-dinja u b'hekk issir promozzjoni tal-kummerċ elettroniku transkonfinali;

27.

Ifakkar li l-konklużjoni tal-Ftehim tal-Kummerċ kontra l-Falsikazzjoni għandu jipprovdi bilanċ bejn l-infurzar effettiv tad-Drittijiet tal-Propjetà Intellettwali (IPRs) u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-konsumaturi, u biex jingħata kontribut għal aktar innovazzjoni, fluss tal-informazzjoni u l-użu ta' servizzi leġittimi fl-ambjent tal-kummerċ elettroniku;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni bl-użu ta' għodod tradizzjonali u bbażati fuq l-Internet sabiex titqajjem kuxjenza fost il-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom bl-iskop li tiżdied il-fiduċja tagħhom fil-kummerċ fuq l-Internet;

29.

Jikkundanna l-frammentazzjoni tas-suq elettroniku tal-UE li huwa r-riżultat ta' dispożizzjonijiet regolatorji li jippermettu jew jirrikjedu partizzjoni tas-suq ġeografiku, dispożizzjonijiet regolatorji li jipprevjenu jew jimpedixxu l-provvista online ta' prodotti jew servizzi, restirzzjonijiet kuntrattwali fuq distributuri, inċertezza legali, nuqqas ta' fiduċja tal-konsumatur fis-sikurezza tas-sistemi ta' pagament, ħlasijiet għoljin għall-aċċess għall-Internet, u kwalunkwe limitu dwar id-disponibilità ta' għażliet ta' kunsinna;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika fuq il-websajt tagħha informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali bl-Internet, li tkun tiffoka b'mod partikolari fuq kwistjonijiet kontrattwali, il-ħarsien tal-konsumaturi minn prattiki kummerċjali inġusti, il-privatezza u d-drittijiet tal-awtur;

31.

Jemmen li d-defiċjenzi regolatorji tas-suq online tal-UE qed jostakolaw l-iżvilupp ta' ambjent industrijali u kummerċjali online Ewropew stabbli u b'saħħtu, li jirriżulta f'livelli mhux sodisfaċenti ta' parteċipazzjoni minn konsumaturi Ewropej fl-UE u tranżazzjonijiet ta' kummerċ internazzjonali u jostakola l-kreattività u l-innovazzjoni fl-attività kummerċjali; jiddispjaċih dwar il-fatt li n-numru tal-kumpaniji bbażati fl-UE li jipprovdu biss servizzi online huwa estremament baxx;

32.

Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-konsumatur (COM(2008)0614) li, huwa ttamat, se ġġib aktar ċertezza legali, trasparenza u protezzjoni għan-numru jiżdied ta' konsumaturi li qed jixtru minn fuq l-Internet, l-aktar għal dak li għandu x'jaqsam mal-kunsinni, ir-riskju, il-konformità mal-kuntratt u l-garanziji kummerċjali;

33.

Ifakkar li l-fiduċja, b'mod partikolari għall-konsumaturi u għall-SMEs, hija kruċjali biex isir użu sħiħ mill-possibilitajiet li joffri l-kummerċ bl-Internet, kif enfasizzat fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2007;

34.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu kull opportunità biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-fiduċja permezz ta' azzjoni fil-fora internazzjonali rilevanti, bħall-WTO, u biex jagħmlu sforzi biex ikun hemm standards u regoli globali li jqisu l-aħjar prattiki Ewropej;

35.

Jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-interoperabilità legali tas-servizzi tal-Internet permezz tal-iżvilupp ta' mudelli ta' liċenzji u soluzzjonijiet legali oħra kumpatibbli mal-ġurisdizzjonijiet fejn il-liġi privata ma ġietx armonizzata, b'mod partikolari għal indemnifikazzjoni ta' liċenzja volontarja ta' standards online internazzjonali, u biex ixxerred ir-riżultati tanġibbli eżistenti Ewropej għal interoperabilità legali bħala mezz biex tnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u l-inċertezza legali tal-fornituri online;

36.

Jistieden lill-Kummissjoni, jekk ikun xieraq, biex flimkien mal-OECD, tħejji studju dettaljat li jinkorpora l-istatistiċi dwar il-kummerċ internazzjonali bl-Internet;

37.

Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva għat-tneħħija tal-ostakli fuq l-użu tal-kummerċ elettroniku li għadhom jaffettwaw lill-SMEs (aċċess għal ICT, spejjeż ta' żviluppar u manteniment ta' sistemi ta' negozju elettroniku, nuqqas ta' fiduċja, nuqqas ta' informazzjoni, inċertezza legali dwar argumenti tranżnazzjonali, eċċ), u rakkomandazzjonijiet ta' politika lill-SMEs inkluża l-offerta ta' inċentivi għall-parteċipjazzjoni akbar fi prodotti u servizzi ta' kummerċ online; jinkoraġixxi, f'dan ir-rigward, il-ħolqien ta' database, maħsub biex jipprovdi sostenn b'informazzjoni u gwida dwar il-ġestjoni lill-parteċipanti ġodda u bla esperjenza fil-kummerċ online, u analiżi ekonomika kumparattiva tal-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku u riklamar online għall-SMEs, kif ukoll studji ta' każijiet ta' kummerċ online ta' suċċess tal-SMEs fl-UE;

38.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkuraġġixxu lill-SMEs biex jużaw l-Internet u biex jorganizzaw pjattaformi għall-qsim tal-informazzjoni u għall-iskambju tal-aqwa prattiki u jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-akkwist pubbliku permezz tal-użu elettroniku, filwaqt li jieħdu ħsieb biex jiżguraw l-Aċċessibilità elettronika (eAccessibility);

39.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiftaħ djalogu pubbliku permezz ta' karta tal-argumenti tagħha intitolata “Opportunitajiet fi Prodotti u Servizzi Online” u billi tistabbilixxi grupp ta' konsulenti biex jikkollaboraw fit-tfassil ta' rapport dwar kwistjonijiet relevanti;

40.

Jinnota li l-Internet ġab miegħu approċċ ġdid għall-produzzjoni, il-konsum u t-tixrid tal-prodotti u s-servizzi kulturali, li jista' jikkontribwixxi għall-komprensjoni interkulturali fuq il-bażi tal-aċċess ħieles u ġust għall-ICTs ġodda u r-rispett għad-diversità kulturali u lingwistika;

41.

Jenfasizza li l-prodotti u s-servizzi kulturali u artistiċi għandhom natura kemm ekonomika kif ukoll kulturali, u li huwa importanti li jinżamm dan l-għarfien fin-negozjati u l-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali, u permezz tan-netwerks globali billi l-konvenzjoni tal-UNESCO tiġi implimentata b'mod li legalment jorbot;

42.

Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-industriji kulturali Ewropej jisfruttaw għal kollox l-opportunitajiet ġodda li ġab miegħu il-kummerċ online, l-aktar fis-settur awdjoviżiv, mużikali u tal-pubblikazzjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin joffru protezzjoni effettiva kontra t-traffikar illeċitu u l-piraterija; madankollu, dan m'għandux jaffettwa l-politika tal-Komunità Ewropea, kif dikjarata b'mod ċar fil-mandat ta' negozjar, li tikkonsisti f'li l-Komunità toqgħod lura milli tressaq offerti jew taċċetta talbiet ta' liberalizzazzjoni fil-qasam awdjoviżiv u kulturali;

43.

Jikkunsidra li l-Internet qed isir l-iktar mezz effiċjenti sabiex jimtela l-vojt kummerċjali bejn it-Tramuntana u Nofsinhar; jikkunsidra li l-Internet qed jiftaħ toroq ġodda ta' kummerċ li jikkonnettjaw il-pajjiżi l-inqas żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw b'sistemi kummerċjali avvanzati u ċentrali, billi jżid il-flussi ta' esportazzjoni tagħhom u jevita l-iżvantaġġi ta' prattiki kummerċjali tradizzjonali;

44.

Jemmen li l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati u pajiżi oħra li qed jiżviluppaw fil-kummerċ internazzjonali permezz tal-Internet għandha tkun appoġġjata permezz ta' żieda fl-investiment primarjament f'infrastruttura bażika bħal netwerks ta' telekomunikazzjoni u mezzi ta' aċċess; jenfasizza l-bżonn ta' provvista ta' servizzi tal-Internet b'inqas spejjeż u ta' kwalità aħjar; jirrikonoxxi li l-liberalizzazzjoni tat-telekomunikazzjoni wasslet għal żieda fl-investiment fl-infrastruttura, servizz imtejjeb u innovazzjoni;

45.

Jirrikonoxxi li f'xi pajjiżi, l-utenti għandhom aċċess għall-Internet permezz ta' mekkaniżmi mobbli;

46.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 128, 15.5.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21.

(4)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0449.

(5)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(6)  ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(7)  ĠU C 167, 1.6.1998, p. 203.

(8)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 370.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/120


L-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs)

P6_TA(2009)0051

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) (2008/2170(INI))

(2010/C 67 E/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou) (1),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 li japplika skema ta' preferenzi ta' tariffi ġeneralizzati (2),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal- 20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (ACP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (3),

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika tal-10-11 ta' April 2006 u dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ tas-16 ta' Ottubru 2006 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta' Ġunju 2006,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tal-15 ta' Mejju 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-2870 Laqgħa tal-UE tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tas-26 u s-27 ta' Mejju 2008 dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri ACP-UE adottata f'Addis-Ababa fit-13 ta' Ġunju 2008,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2006 intitolata “Komunikazzjoni li timmodifika d-direttivi għan-negozjati tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-ACP” (COM(2006)0673),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2007 intitolata “Mill-Kajr għal Liżbona – Ix-xogħol tal-Isħubija Strateġika bejn l-UE u l-Afrika” (COM(2007)0357),

wara li kkunsidra l-Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (COM(2007)0635),

wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV tagħha,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li tistabbilixxi l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp bħala kriterji stabbiliti kollettivament mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-tieni Konferenza tal-Ministri Afrikani Responsabbli mill-Integrazzjoni, adottata f'Kigali, l-Irwanda, fis-26 u s-27 ta' Lulju 2007,

wara li kkunsidra r-rapport imressaq mis-Sinjura Christiane Taubira, Membru tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża, fis-16 ta' Ġunju 2008: “Les Accords de Partenariat Economique entre l'Union européenne et les pays ACP. Et si la Politique se mêlait enfin des affaires du monde?”,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-EU tad-19 ta' Frar 2004 dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika: problemi u prospetti (4),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE tat-23 ta' Novembru 2006 dwar ir-reviżjoni tan-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) (5),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Kigali dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika favur l-iżvilupp (EPAs), approvata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE fl-20 ta' Novembru 2007 (6),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-EPAs mill-Kapijiet tal-Istat tal-ACP adottata f'Akkra fit-3 ta' Ottubru 2008,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2002 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kummissjoni dwar in-negozjati tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-ACP (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2005, dwar strateġija ta' żvilupp għall-Afrika (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-impatt ta' żvilupp ta' Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs) (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-28 ta' Settembru 2006 dwar koperazzjoni akbar u aħjar: il-pakkett tal-għajnuna effettiva tal-UE għall-2006 (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar l-Għajnuna tal-UE għall-Kummerċ (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju – il-punt f'nofs triq (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007 dwar l-Avvanz fl-Agrikoltura Afrikana – Proposta għall-iżvilupp agrikolu u għas-sigurtà tal-ikel fl-Afrika (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar is-segwitu tad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-2005 dwar l-Effettività tal-Għajnuna (16),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0513/2008),

A.

billi l-Artikolu 36(1) tal-Ftehima ta' Cotonou fih il-qbil tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati ACP li jikkonkludu “arranġamenti ta' kummerċ li jkunu kompatibbli mad-WTO, li jneħħu b'mod progressiv l-ostakli għall-kummerċ bejniethom u li jtejbu l-koperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti għall-kummerċ”,

B.

billi l-Kunsill adotta d-direttivi tan-negozjati għall-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi tal-ACP fit-12 ta' Ġunju 2002, u billi fl-istess sena kienu bdew in-negozjati mal-Grupp ta' Stati tal-ACP dwar kwistjonijiet ta' interess ġenerali li kienu mbagħad segwiti minn negozjati separati ma' sitt reġjuni tal-EPA (il-Karibew, l-Afrika tal-Punent, l-Afrika Ċentrali, l-Ażja tal-Lvant u l-Ażja ta' Isfel, is-SADC minus, il-Paċifiku),

C.

billi l-15-il Stat Membru tal-Forum tal-Karbiew tal-Istati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (CARIFORUM) bdew Ftehima ta' Sħubija Ekonomika mal-UE u mal-Istati Membri tagħha fis-16 ta' Diċembru 2007,

D.

wara li kkunsidra l-Artikolu 231 tal-Ftehima ta' Sħubija Ekonomika (EPA) konkluża mal-CARIFORUM, li jistabbilixxi Kumitat Parlamentari CARIFORUM-KE,

E.

billi 18-il pajjiż Afrikan, li minnhom 8 huma parti mill-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (LDCs), bdew Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPA) proviżorji f'Novembru u f'Diċembru 2007, filwaqt li 29 pajjiż Afrikan ieħor tal-ACP, li tlieta minnhom ma kinux LDCs, ma bdew l-ebda EPA, u billi l-Afrika ta' Isfel diġà ffirmat il-Ftehima ta' Kummerċ, Żvilupp u Koperazzjoni (TDCA), li hija sistema kummerċjali kompatibbli tad-WTO mal-UE,

F.

billi l-Papwa Ginea l-Ġdida u l-Fiji, li huma żewġ pajjiżi tal-ACP li mhumiex fost l-LDCs, bdew Ftehima ta' Sħubija Ekonomika interim fit-23 ta' Novembru 2007, filwaqt li l-pajjiżi tal-ACP tal-Paċifiku l-oħrajn (sitt LCDs u seba' mhux LCDs) ma bdew l-ebda Ftehima ta' Sħubija Ekonomika,

G.

billi l-ftehimiet kollha li bdew fl-2007 għadhom ma ġewx iffirmati, iżda mistennija jiġu ffirmati qabel tmiem l-2008,

H.

billi l-UE applikat, mill-1 ta' Jannar 2008, l-arranġament dwar l-importazzjoni għal prodotti li joriġinaw mill-Istati tal-ACP li bdew l-EPAs jew EPAs proviżorji, kif inhu stipulat f'dawn il-ftehimiet (17),

I.

billi r-reġjuni Afrikani u tal-Paċifiku għadhom għaddejjin bin-negozjati mal-Kummissjoni bil-ħsieb li jikkonkludu Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika sħaħ,

J.

billi kien ikkonfermat kemm-il darba mill-partijiet kollha – b'mod partikolari permezz tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll permezz tad-dokumenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni – li l-EPAs għandhom ikunu strumenti ta' żvilupp favur il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, l-integrazzjoni reġjonali u t-tnaqqis tal-faqar fl-Istati tal-ACP,

K.

billi l-aġġustament tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-EPAs se jkollu impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi tal-ACP, li minkejja li se jkun diffiċli jitbassar, se jikkonsisti minn impatt dirett minħabba t-telf ta' dazji tad-dwana u l-ispejjeż ta' riforma regolatorja u infurzar biex ikun hemm konformità mal-firxa wiesgħa ta' regolamenti stipulati fl-EPA, u minn impatt indirett minħabba l-ispejjeż meħtieġa għall-adattament jew għas-sostenn soċjali fl-oqsma tal-impjiegi, tat-tisħiħ tal-ħiliet, tal-produzzjoni, tad-diversifikazzjoni fl-esportazzjoni u tar-riforma tal-immaniġġjar finanzjarju pubbliku,

L.

billi 21 pajjiż tal-ACP stipulaw ammonti speċifiċi għall-miżuri ta' akkumpanjament għall-EPAs fil-Programmi Indikattivi Nazzjonali (NIPs) tagħhom għall-Għaxar Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF), li wħud minnhom għadhom ma ffirmaw l-ebda EPA,

M.

billi l-ammonti stipulati b'mod speċifiku għall-miżuri konnessi mal-EPA fl-NIPs kollha jikkostitwixxu 0.9 % biss tal-ammont totali tal-NIPs (A-envelopes); billi barra minn dan jeżistu wkoll miżuri sostanzjali u indiretti ta' sostenn għall-EPA, bħall-integrazzjoni u l-infrastruttura reġjonali kif ukoll l-Għajnuna għall-Kummerċ,

N.

billi l-impatt tal-iżvilupp tal-EPAs se jirriżulta mill-effetti tagħhom fuq

it-tnaqqis fid-dħul tad-dwana nett u l-effetti tiegħu fuq il-baġits tal-Istati tal-ACP,

it-titjib fil-provvista tal-ekonomija tal-pajjiżi tal-ACP u l-provvediment ta' prodotti importati mill-UE lill-konsumaturi,

żieda fl-esportazzjoni għall-UE mill-pajjiżi tal-ACP permezz ta' titjib fir-Regoli ta' Oriġini, li għandha twassal għal tkabbir ekonomiku, iżjed impjieg u żieda fid-dħul tal-istat li jista' jintuża għall-finanzjament ta' miżuri soċjali,

integrazzjoni reġjonali fir-reġjuni tal-ACP, li għandha l-potenzjal li ttejjeb il-qafas għal żvilupp ekonomiku u għalhekk tagħti kontribut għat-tkabbir ekonomiku,

l-użu b'suċċess tal-finanzjament għall-Għajnuna għall-Kummerċ b'rabta mal-EPAs,

l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' riformi fil-pajjiżi tal-ACP, b'mod partikulari fir-rigward tal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi, tal-ġbir tad-dazji tad-dwana u t-twaqqif ta' sistema ġdida ta' dħul fiskali,

O.

billi hu assolutament kruċjali li jkun hemm promozzjoni u appoġġ tal-kummerċ fir-reġjuni tal-ACP u bejniethom u tal-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-ACP u pajjiżi oħrajn li qed jiżviluppaw (Nofsinhar-Nofsinhar) li se jkollu effetti pożittivi importanti fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi tal-ACP u jnaqqas id-dipendenza tagħhom,

P.

billi l-Konklużjonijiet tal-GAERC tas-26-27 ta' Mejju 2008 msemmija hawn fuq enfasizzaw il-ħtieġa ta' approċċ flessibbli waqt li żguraw progress adegwat u talbu lill-Kummissjoni tuża kull flessibilità u asimetrija li tkun kompatibbli mad-WTO sabiex jitqiesu l-bżonnijiet u l-livelli differenti tal-izvilupp tal-pajjiżi u tar-reġjuni tal-ACP,

Q.

billi l-popolazzjonijiet tal-Istati ACP intlaqtu l-iktar b'mod aħrax mill-kriżi globali finanzjarja u tal-ikel li thedded li ġġib fix-xejn il-progress minimu tal-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju,

1.

Iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi tal-ACP biex jagħmlu l-almu kollu tagħhom ħalli jistabbilixxu mill-ġdid atmosfera ta' kunfidenza u djalogu kostruttiv fejn saritilhom xi ħsara matul in-negozjati u biex jirrikonoxxu l-istati tal-ACP bħala msieħba ugwali fil-proċess ta' negozjar u ta' implimentazzjoni;

2.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-impenji tagħhom biex iżidu l-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA), anke f'dan iż-żmien ta' kriżi finanzjarja globali, li għandha tippermetti żieda fl-Għajnuna għall-Kummerċ, u biex jistabbilixxu miżuri ta' akkumpanjament fil-forma ta' pakketti reġjonali ta' Għajnuna għall-Kummerċ għall-implimentazzjoni tal-EPAs li jagħtu kontribut lejn l-impatt pożittiv tal-EPAs fuq l-iżvilupp; isostni li l-iffirmar tal-EPA mhuwiex impost bħala prekondizzjoni biex jirċievi Fondi tal-Għajnuna għall-Kummerċ;

3.

Isostni li l-EPAs huma strument ta' żvilupp li għandhom jirriflettu kemm l-interessi reġjonali u nazzjonali kif ukoll il-bżonnijiet tal-pajjiżi tal-ACP sabiex jitnaqqas il-faqar, jinkisbu l-MGSs u jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tal-bniedem bħad-dritt għall-ikel jew id-dritt għall-aċċess ta' servizzi pubbliċi bażiċi;

4.

Ifakkar lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li la l-konklużjoni u lanqas ir-rinunzja ta' xi EPA m'għandhom iwasslu għal sitwazzjoni fejn pajjiż tal-ACP jsib lilu nnifsu f'pożizzjoni inqas vantaġġjuża milli kien qabel taħt id-dispożizzjonijiet kummerċjali tal-Ftehima ta' Cotonou;

5.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi tal-ACP biex jagħmlu l-aħjar użu tal-finanzjament disponibbli għall-Għajnuna għall-Kummerċ sabiex jappoġġjaw il-proċess ta' riforma fl-oqsma li huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku; biex itejbu l-infrastruttura fejn meħtieġ, peress li sakemm ma jiġux implimentati l-opportunitajiet offruti mill-EPAs ma jistgħux jiġu esplojtjati kompletament ħlief jekk miżuri qawwija ta' sostenn għall-Istati ACP ma jiġux implimentati; biex jikkumpensaw it-telf nett mid-dazji tad-dwana u biex jinkuraġġixxu r-riforma fiskali sabiex ma jitnaqqsux l-investimenti pubbliċi fis-setturi soċjali; biex jinvestu fil-katina tal-produzzjoni sabiex jiddiversifikaw fil-produzzjoni li tiġi esportata; biex jipproduċu iżjed prodotti għall-esportazzjoni ta' valur miżjud ikbar; u biex jinvestu fit-taħriġ u fl-appoġġ għall-produtturi u esportaturi żgħar biex jissodisfaw il-kriterji sanitarji u fitosanitarji;

6.

Isostni li l-EPAs konklużi mal-pajjiżi individwali tal-ACP, jew ma' grupp ta' pajjiżi minnbarra dawk il-pajjiżi kollha f'reġjun wieħed, jgħaddu minn riskju li jdgħajfu l-integrazzjoni reġjonali; jitlob lill-Kummissjoni tikkalibra mill-ġdid l-approċċ waqt li tqis dan ir-riskju, u tiżgura li l-konklużjoni tal-EPAs ma tipperikolax l-integrazzjoni reġjonali;

7.

Jenfasizza li ż-żidiet fl-għajnuna pubblika mwiegħda mill-Istati Membri għandhom l-ewwel u qabel kollox iservu sabiex jirduppjaw l-isforzi għat-twettiq tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millennju għall-iżvilupp ġewwa dawk il-pajjiżi tal-ACP li ntlaqtu l-iktar b'mod aħrax mill-konsegwenzi tal-kriżi globali finanzjarja u tal-ikel li qiegħdet f'periklu u kuljum tkompli tqiegħed f'periklu gravi r-riżultati tat-twettiq tal-għanijiet;

8.

Jenfasizza wkoll li l-ftehimiet kollha jridu jirrispettaw in-nuqqas ta' simetrija li tiffavorixxi l-Istati ACP, kemm f'dak li għandu x'jaqsam mal-gamma ta' prodotti fil-mira kif ukoll il-perjodi ta' tranżizzjoni, u li l-EPAs iridu jġibu garanziji konkreti għall-protezzjoni ta' dawk is-setturi li l-pajjiżi tal-ACP iqisu bħala sensittivi;

9.

Jenfasizza li l-miżuri ta' sostenn marbuta mal-EPAs iridu jqisu l-importanza tal-integrazzjoni reġjonali u tar-relazzjonijiet ekonomiċi ma' pajjiżi oħrajn li qed jiżvilippaw għall-iżvilupp tal-pajjiżi tal-ACP;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti biżżejjed żmien lin-negozjaturi tal-ACP biex jevalwaw il-ftehima u biex iressqu suġġerimenti qabel l-adozzjoni tal-ftehima rilevanti, billi jitqiesu l-iskedi tal-ħin tad-WTO;

11.

Isostni li l-ftehimiet tal-EPAs għandhom jinkludu klawżola ta' reviżjoni biex issir reviżjoni 5 snin wara l-iffirmar tagħhom, li għandhom ikunu formalment assoċjati mal-parlamenti nazzjonali, mal-Parlament Ewropew u mas-soċjetà ċivili; jisħaq ukoll li din l-estensjoni għandha tippermetti evalwazzjoni fil-fond tal-impatt tal-EPAs fuq l-ekonomiji u l-integrazzjoni reġjonali tal-pajjiżi tal-ACP u tagħmel possibbli l-orjentazzjoni mill-ġdid adegwat;

12.

Jikkunsidra li ftehima kummerċjali bejn l-ACP u l-UE, li taffettwa l-għejxien tal-populazzjoni, għandha tkun ir-riżultat ta' dibattitu miftuħ u pubbliku bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-parlamenti nazzjonali tal-ACP;

13.

Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-ACP biex jimplimentaw ir-riformi meħtieġa favur it-tmexxija tajba, b'mod partikulari fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika, l-iżjed f'dak li għandu x'jaqsam mal-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi, mal-ġbir tad-dazji tad-dwana, mas-sistema tad-dħul fiskali, mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u mal-immaniġġjar ħażin;

14.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' dispożizzjonijiet aktar b'saħħithom ta' monitoraġġ u evalwazzjoni fl-EPAs li jiddeterminaw, mhux biss il-livelli ta' konformità mal-EPA imma wkoll l-impatt tal-EPA fuq l-iżvilupp tal-pajjiż u tar-reġjun u l-objettivi biex jitnaqqas il-faqar;

15.

Isostni li hemm ħtieġa għaż-żieda tat-trasparenza fin-negozjati u r-riżultati tagħhom sabiex jippermettu għall-iskrutinju pubbiku minn dawk li jagħmlu l-politika, membri parlamentari u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

16.

Iqis li d-Dokumenti ta' Strateġija Reġjonali tal-EDF u l-Programmi Indikattivi Reġjonali għandu jkun fihom sostenn importanti, sistematiku u meqjus sew favur l-implimentazzjoni tal-EPA, billi jitqies ukoll il-proċess ta' riforma neċessarju li jagħmel lill-EPA suċċess;

17.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni bi sħab mal-pajjiżi tal-ACP tinkludi punti ta' referenza ta' żvilupp fl-EPA u l-EPAs interim biex tkejjel l-impatt soċjoekonomiku tal-EPAs fuq is-setturi prinċipali skont il-prijoritajiet ta' kull reġjun u għal intervalli deċiżi minn kull reġjun;

18.

Isostni li hu kruċjali li l-foresti, il-bijodiversità u n-nies indiġini jew in-nies li jiddependu mill-foresta ma jkunux esposti għal periklu; f'dan ir-rigward, il-pajjiżi tal-ACP għandhom ikunu permessi jimplimentaw regoli li jillimitaw l-esportazzjoni tal-injam u materja prima mhux proċessata oħra u jkunu permessi jużaw dawn ir-regoli sabiex jipproteġu l-foresti, annimali salvaġġi u industriji domestiċi;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-ACP, lill-Kunsill ACP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE.


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.

(4)  ĠU C 120, 30.4.2004, p. 16.

(5)  ĠU C 330, 30.12.2006, p. 36.

(6)  ĠU C 58, 1.3.2008, p. 44.

(7)  ĠU C 273 E, 14.11.2003, p. 305.

(8)  ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 475.

(9)  ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 121.

(10)  ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 373.

(11)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.

(12)  ĠU C 102 E, 24.4.2008, p.291.

(13)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 232.

(14)  ĠU C 297E, 20.11.2008, p. 201.

(15)  ĠU C 323E, 18.12.2008, p. 361.

(16)  Test adottati, P6_TA(2008)0237.

(17)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal- 20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (ACP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1).


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/126


Il-Kosovo

P6_TA(2009)0052

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-Kosovo u l-irwol tal-UE

(2010/C 67 E/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata fis-26 ta' Ġunju 1945,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Ġunju 1999 (S/RES/1244(1999),

wara li kkunsidra l-prinċipji ta' gwida sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni tal-istatus tal-Kosovo, adottati mill-Grupp ta' Kuntatt fis-7 ta' Ottubru 2005,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tal-Kosovo u l-irwol tal-UE (1),

wara li kkunsidra l-Ftehima għall-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali ffirmata fid-19 ta' Diċembru 2006 f'Bukarest,

wara li kkunsidra r-rapport finali tas-26 ta' Marzu 2007, tal-Mibgħut Speċjali tan-NU dwar l-istatus ġejjieni tal-Kosovo u dwar il-Proposta ta' Status Komprensiv (CSP) sabiex jiġi Riżolt l-Istatus tal-Kosovo,

wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta' Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (2),

wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/123/PESK tal-4 ta' Frar 2008 li ħatret Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (3),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tat-18 ta' Frar 2008,

wara li kkunsidra l-ittri mibgħuta mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-President tas-Serbja u lill-President tal-Kosovo fit-12 ta' Ġunju 2008, dwar ir-rikonfigurazzjoni tal-Amministrazzjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK),

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà, tat-12 ta' Ġunju 2008, dwar l-Amministrazzjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (S/2008/354),

wara li kkunsidra l-Konferenza tad-Donaturi tal-Kosovo, li saret fi Brussell fil-11 ta' Lulju 2008,

wara li kkunsidra l-arranġament tekniku bejn il-UNMIK u l-EULEX dwar il-passaġġ tal-beni fit-18 ta' Awwissu 2008,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 63/3 adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-8 ta' Ottubru 2008 (A/RES/63/3), li permezz tagħha ġie deċiż li tintalab opinjoni konsultattiva mingħand il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja rigward il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo hix skont id-dritt internazzjonali,

wara li kkunsidra l-Istqarrija Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-26 ta' Novembru 2008 (S/PRST/2008/44), li permezz tagħha, il-Kunsill tas-Sigurtà approva unanimament ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar il-UNMIK (S/2008/692), u għaldaqstant tawtorizza l-iskjerament tal-missjoni EULEX fit-territorju kollu tal-Kosovo,

wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fis-17 ta' Frar 2008 l-Assemblea tal-Kosovo iddikjarat l-indipendenza tal-Kosovo u impenjat ruħha għall-Proposta ta' Status Komprensiv (CSP) tal-Mibgħut Speċjali tal-NU Martti Ahtisaari,

B.

billi l-Gvern Serb adotta approċċ kostruttiv u impenja ruħu f'negozjati serji bil-għan li jintlaħaq ftehim; billi, minkejja ċ-ċirkostanzi kuntrarji, il-Gvern Serb żamm pożizzjoni pro-Ewropea,

C.

billi s-CSP hi mħaddna fil-Kostituzzjoni tal-Kosovo u liġijiet oħra; billi 25 pajjiż, fuq talba tal-mexxejja tal-Kosovo, iffurmaw il-Grupp ta' Tmexxija Internazzjonali (International Steering Group – ISG), li l-iskop primarju tiegħu hu l-implimentazzjoni sħiħa tas-CSP; billi l-ISP ħatar Rappreżentant Ċivili Internazzjonali (ICR) appoġġjat minn Ufficcju Civili Internazzjonali fil-Kosovo skont is-CSP; billi dan jimplika li l-Kosovo qed jimmaniġġja l-kwistjonijiet tiegħu stess, filwaqt li qed ikun suġġett għal sorveljanza fl-implimentazzjoni ta', inter alia, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi,

D.

billi s'issa 54 pajjiż, fosthom 22 mis-27 Stat membru tal-UE, irrikonoxxew l-indipendenza tas-Serbja,

E.

billi s-27 Stat Membru tal-UE bagħtu Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (EUSR) fil-Kosovo, Peter Feith, li jservi wkoll bħala l-ICR; billi l-ICR jissorvelja l-implimentazzjoni sħiħa tas-CSP u l-EUSR joffri l-appoġġ u l-pariri tal-UE fil-proċess politiku fil-Kosovo,

F.

billi l-istabilità reġjonali tal-Balkani tal-Punent hi prijorità għall-Unjoni Ewropea, li għal din ir-raġuni nidiet il-missjoni EULEX; billi l-EULEX diġa laħqet il-kapaċità operattiva inizjali tagħha fil-Kosovo u għaldaqstant assumiet ir-responsabilitajiet tagħha fil-qasam tal-qrati, il-pulizija, il-faċilitajiet korrettivi u d-dwana, inklużi xi funzjonijiet eżekuttivi, bil-għan li toffri monitoraġġ, tiggwida u tagħti pariri lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Kosovo f'oqsma kollha relatati mal-istat tad-dritt f'sens usa',

G.

billi permezz ta' skjerament fit-territorju tal-Kosovo fit-Tramuntana tax-xmara Ibar ukoll, il-EULEX tagħti kontribut għall-għan, miftiehem mill-partijiet kollha, tal-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ħolqien ta' sistema tal-ġustizzja koerenti fil-Kosovo kollu kif ukoll jiġi żgurat aċċess indaqs għall-ġustizzja għaċ-ċittadini kollha,

L-Irwol Ewropew

1.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-iskjerament b'suċċess tal-EULEX fit-territorju kollu tal-Kosovo, inkluża l-parti tat-Tramuntana tax-xmara Ibar, b'konformità mar-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-Istqarrija Presidenzjali sussegwenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, tas-26 ta' Novembru 2008, imsemmija hawn fuq;

2.

Jenfasizza l-impenn tal-UE li tikkonforma mad-dritt internazzjonali u li jkollha rwol mexxej għall-iżgurar tal-istabilità fil-Kosovo u fil-Balkani tal-Punent kollha kemm huma; ifakkar ir-rieda tiegħu li jgħin fl-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo billi joffri prospetti ċara għas-sħubija fl-UE, kif għamel għar-reġjun kollu kemm hu;

3.

3Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri tal-UE li għadhom ma rrikonoxxewx l-indipendenza tal-Kosovo biex jagħmlu dan;

4.

Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007, kif hemm referenza għaliha hawn fuq;

5.

Jinnota, f'dan ir-rigward, li bħalma ħabbar ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-UNMIK fil-Kosovo, Lamberto Zannier, mid-9 ta' Diċembru 2008 il-UNMIK m'għadx baqgħalha setgħat fil-qasam tal-pulizija u tad-dwana, u dalwaqt se tgħaddi lill-EULEX is-setgħat kollha li baqgħalha fil-qasam tal-ġustizzja, u b'hekk tiżgura li l-Kosovo jiffunzjona taħt stat ta' dritt waħdieni;

6.

Jitlob lill-komunità internazzjonali sabiex turi appoġġ sħiħ lill-EULEX u tiffaċilita l-proċess biex il-EULEX tieħu f'idejha l-ħidmiet relevanti kollha fil-Kosovo fil-qasam tad-dwana, tal-pulizija u tal-qrati, ħidmiet li qabel kienu f'idejn il-UNMIK;

7.

Jistenna li l-EULEX tiffunzjona skont il-mandat tagħha tal-UE bil-għan li tippromwovi l-iżvilupp stabbli tal-Kosovo u tiggarantixxi l-istat tad-dritt għall-komunitajiet kollha fil-Kosovo; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-EULEX taqdi l-interessi tal-minoranzi etniċi kollha fil-Kosovo, minħabba li se tindirizza, inter alia, l-ilmenti dwar id-diskriminazzjoni etnika, il-fastidju u l-vjolenza u l-ħafna kwistjonijiet pendenti dwar il-proprjetà;

8.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern Serb qabel mal-iskjerament tal-EULEX, l-aktar waħda importanti mill-missjonijiet PESD (Politika Ewropea ta' Sigurta' u Difiża) s'issa, u r-rieda tiegħu li jikkopera magħha; jinkoraġġixxi s-Serbja biex tkompli turi din l-attitudni kostruttiva, li hi konsistenti mal-aspirazzjonijiet tal-pajjiż li jsir membru fl-UE;

9.

Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni adottata skont l-arranġamenti tranżitorji miftehma bejn in-NU u l-Gvern Serb, li jinħatar uffiċjal għoli Serb tal-pulizija fil-Kosovo, li jaħdem fi ħdan is-Servizz tal-Pulizija tal-Kosovo iżda jirrapporta b'mod dirett lill-EULEX, bħala l-ewwel pass fl-isforzi sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni adegwata tal-minoranzi kollha fil-pulizija tal-Kosovo;

10.

Iqis li l-arranġamenti tranżitorji negozjati bejn in-NU u l-Gvern Serb jeħtieġ jiġi rivedut fid-dawl tal-iżviluppi fil-post, meta l-EULEX tilħaq il-kapaċità operattiva sħiħa tagħha;

11.

Iħeġġeġ lill-EULEX sabiex b'mod urġenti tindirizza l-każijiet ġudizzjarji li qegħdin b'lura b'superviżjoni internazzjonali, filwaqt li tingħata prijorità lil każijiet li jinvolvu vjolenza inter-etnika, delitti tal-gwerra u korruzzjoni f'livell għoli, sabiex jingħata kontribut lit-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

12.

Iqis li t-twaqqif ta' programm ta' protezzjoni tax-xhieda li jiffunzjona hu essenzjali għal azzjoni legali effettiva kontra kriminali ta' livell għoli fil-Kosovo, b'mod partikulari fir-rigward tad-delitti tal-gwerra;

13.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom biex jiżguraw azzjoni esterni koerenti mill-Unjoni u l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK imsemmija hawn fuq; għaldaqstant jitlob lill-Kap tal-missjoni EULEX KOSOVO, M. Yves de Kerbamon u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE sabiex jaħdmu id f'id minn jum għall-ieħor; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-familja tal-UE sabiex taġixxi b'mod kollettiv u b'mod koordinat sabiex isiru sforzi akbar biex tkun promossa l-parteċipazzjoni tas-Serbi tal-Kosovo fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali tal-Kosovo, u jitlob lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE sabiex jiżgura li l-Gvern tal-Kosovo b'mod immedjat jieħu passi tanġibbli f'dan ir-rigward, fosthom permezz ta' miżuri speċifiċi ta' żvilupp ekonomiku għar-reġjun ta' Mitrovica, meta l-istat tad-dritt ikun reġa' ġie stabbilit;

14.

Jistieden lill-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Estera u ta' Sigurta' Komuni biex juri l-appoġġ ċar tiegħu għall-missjoni Ewropea fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) u sabiex iżur il-pajjiż mill-aktar fis possibbli;

15.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex tuża l-istrumenti kollha disponibbli tal-Komunità, b'mod partikulari l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni, biex trawwem l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-Kosovo, tiżdied it-trasparenza, l-effiċjenza u d-demokrazija fil-gvern u s-soċjetà tal-Kosovo u biex taħdem lejn il-paċi u l-istabilità fil-Kosovo u fir-reġjun kollu kemm hu; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta studju tal-fattibilità li jeżamina modi ta' kif jista' jissaħħaħ l-iżvilupp soċjo-ekonomiku u politiku tal-Kosovo, u jittama li l-istudju jkun ibbażat fuq djalogu serju mal-awtoritajiet tal-Kosovo u kkumplimentat permezz tal-impenn politiku mġedded tagħhom li jaħdmu lejn ir-riformi meħtieġa;

16.

Jemmen li l-Kummissjoni għandha tati każ urġenti tal-promozzjoni ta' proġetti lokali li jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet varji u tippromwovi aktar il-mobilità tan-nies;

17.

Iqis li l-proġetti maħsubin, per eżempju, biex iċ-ċimiterji vandalizzati jiġu restawrati bl-involviment dirett tal-parteċipanti lokali, ikollhom valur simboliku kunsiderevoli għall-komunitajiet fil-Kosovo u jikkontribwixxu għal klima interetnika aħjar; jistieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE sabiex jiżguraw li inizjattivi simili jkunu fuq quddiem fl-aġenda tal-gvern tal-Kosovo;

18.

Barra minn dan, huwa tal-fehma, li l-ħolqien ta' Kulleġġ Universitarju Ewropew multietniku, flimkien maċ-ċentri universitarji eżistenti fi Pristina u Mitrovica, u ta' servizzi kulturali, soċjali u ta' kura tas-saħħa li jkunu speċifikament maħsubin biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-komunità Serba fil-Kosovo ċentrali jkun ta' inċentiv kbir lejn il-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-Komunità Serba fil-Kosovo; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, sabiex tieħu azzjoni immedjata bil-għan li twettaq dan il-proġett flimkien mal-Gvern tal-Kosovo;

19.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Memebri sabiex jgħinu lill-Gvern tal-Kosovo biex isolvi n-nuqqas serju ta' staff f'oqsma ewlenin tal-amministrazzjoni pubblika, sabiex jgħinu fit-taħriġ tal-uffiċjali tas-servizz ċivil u sabiex jgħinu fit-titjib tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-amministrazzjoni tiffunzjona mingħajr problemi, u sabiex ir-rabtiet bejn l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili jissaħħu;

It-tmexxija tal-Kosovo

20.

Jilqa' b'sodisfazzjon is-sitwazzjoni mtejba tas-sigurtà fil-Kosovo; jappoġġa l-isforzi tal-pulizija tal-Kosovo biex tikseb livell ambizzjuż ta' professjonalitàu affidabilità; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa essenzjali ta' forza tal-pulizija li tkun multietnika fiz-zoni kollha tal-Kosovo; jilqa' b'sodisfazzjon għalhekk il-fatt li xi uffiċjali Serbi reġgħu lura fil-forzi tal-pulizija tal-Kosovo u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo sabiex jappoġġaw l-integrazzjoni mill-ġdid ta' dawk l-ufiċjali tal-pulizija li għad iridu jiġu lura;

21.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' tmexxija deċentralizzata, kif stipulat fis-CSP; jenfasizza li d-deċentralizzazzjoni mhix biss hija fl-interess tal-komunità Serba, iżda taħdem favur iċ-ċittadini kollha tal-Kosovo, għaliex tagħmel lill-gvern aktar trasparenti u tqarrbu aktar lejn iċ-ċittadini;

22.

Itenni l-importanza ta' soċjetà ċivili b'saħħitha li ssaħħaħ il-prinċipji demokratiċi li fuqhom isserraħ it-tmexxija tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-gvern tal-Kosovo biex, f'dan ir-rigward, jappoġġja l-movimenti paċifiċi taċ-ċittadini u l-iżvilupp ta' midja ħielsa mingħajr ebda indħil politiku;

23.

Jisħaq dwar il-ħtieġa li d-dispoċizzjonijiet għall-ħarsien tal-minoranzi miġbura fil-Kostituzzjoni tal-Kosovo jiġu implimentati u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-minoranzi hija fundamentalment importanti għall-istabilità tal-Kosovo u tar-reġjun kollu kemm hu;

24.

Iħeġġeġ lil-Gvern tal-Kosovo sabiex ikompli jimpenja ruħu biex jippromwovi spirtu ta' paċi, tolleranza u djalogu interkulturali u interreliġjuż fost il-komunitajiet tal-Kosovo, jiġifieri l-Albaniżi, is-Serbi, ir-Roma, l-Ashkali, l-Eġizzjani, il-Gorani, it-Torok u l-Bożnijaċi, sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet ġusti biex ir-refuġjati jerġgħu lura lejn il-Kosovo, inkluż permezz ta' investiment f'opportunitajiet ta' impjieg, fl-infrastrutura u fil-forniment ta' servizzi bażiċi fl-oqsma rilevanti, u sabiex jiġi żgurat li l-minoranzi jibbenefikaw mill-miżuri msemmija hawn fuq;

25.

Jesprimi tħassib dwar il-kritika min-naħa tas-Segretarju ġenerali tan-NU fir-rapport tiegħu dwar l-UNMIK imsemmi hawn fuq hawn fuq imsemmi dwar il-kriterji tal-għażla tal-benefiċjarji għall-fondi ta' ritorn proposti mill-Ministeru għall-Komunitajiet u r-Ritorn tal-Kosovo; ifakkar lill-Gvern tal-Kosovo li, fid-dawl tat-tnaqqis kbir fin-numru ta' ritorni, il-fondi skarsi disponibbli għandhom jibqgħu jiġu indirizzati esklussivament biex jiffaċilitaw ir-ritorn lejn il-Kosovo ta' persuni imċaqilqin minn arthom;

26.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet internazzjonali u lil dawk lokali sabiex jissetiljaw il-kwistjoni tal-istatus legali tal-persuni Roma, Ashkali u Eġizzjani li m'għandhomx stat u li jgħixu fil-Kosovo, inkluż id-dritt tal-pussess; jistieden lill-awtoritajiet sabiex itejbu s-sitwazzjoni ta' dawn il-komunitajiet billi jiggarantixxu aċċess ugwali għal edukazzjoni integrata ta' kwalità u, fejn ikun possibbli, għal edukazzjoni fil-lingwa materna tagħhom, jagħtu aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-kura tas-saħħa filwaqt li jipprovdu kundizzjonijiet sanitarji u abitabbli xierqa u li jiżguraw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja soċjali u politika;

27.

Jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas gravi tas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-familji Roma fil-kampijiet tar-refuġjati ta' Osterode u Cesmin Lug; jemmen li dan huwa marbut direttament mal-pożizzjoni ħażina ta' dawn il-kampijiet, li jinsabu fuq iż-żoni tossiċi għall-aħħar li fihom jiġi eliminat l-iskart tal-minjieri taċ-ċomb ta' Trepça; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rappreżentazzjonijiet inizzjali tal-Kummissjoni lill-Gvern tal-Kosovo u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkompli taħdem biex tikseb b'urġenza iċ-ċaqlieq tal-familji kkonċernati;

28.

Jitlob lill-Istati Membri jieħdu approċċ meqjus u sensittiv fil-kwistjoni tar-ripatrijazzjoni furzata tal-membri ta' minoritajiet etniċi, fuq kollox is-Serbi tal-Kosovo u r-Roma tal-Kosovo, li ilhom jgħixu fil-Punent tal-Ewropa għal bosta snin, u biex fl-istess ħin jimplimentaw miżuri biex isaħħu l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-persuni kkonċernati;

29.

Jisħaq li r-rispett lejn id-diversità kulturali jinsab fil-qalba tal-proġett Ewropew; jenfasizza li, li wieħed jifhem id-dimensjoni multietnika tal-patrimonju reliġjuż u kulturali hija kundizzjoni meħtieġa għall-paċu u l-istabilità fir-reġjun; għalhekk iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex jaħdmu lejn djalogu tekniku dwar il-ħarsien, il-konservazzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-promozzjoni tal-patrimonju kulturali u reliġjuż u tal-identità kulturali tal-Kosovo;

30.

Jinnota li l-Kostituzzjoni tal-Kosovo, tirrikonoxxi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, iżda wkoll il-fatt li n-nisa mhumiex involuti biżżejjed fl-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tal-Kosovo u li huma żvantaġġjati f'termini ta' opportunitajiet ta' edukazzjoni u ta' impjieg; għalhekk jistieden lill-Gvern tal-Kosovo sabiex iniedi u jimplimenta miżuri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, sabiex jiġu żgurati l-opportunitajiet ugwali għan-nisa, ir-rappreżentazzjoni proporzjonali tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-Kosovo u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika tal-pajjiż; barra minn hekk jitlob lill-Gvern tal-Kosovo sabiex jieħu miżuri effettivi sabiex jikkumbatti l-vjolenza domestika kontra n-nisa;

31.

Jinsisti li l-iskambji akkademiċi għandhom ikunu appoġġjati u promossi permezz ta' programmi bħal Erasmus Mundus sabiex iċ-ċittadini tal-Kosovo jitħeġġu biex jiksbu kwalifiki u esperjenzi fl-UE, bl-aspettativa li l-edukazzjoni wiesgħa tgħinhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż;

32.

Iħeġġeġ lill-Kosovo u lis-Serbja sabiex jinvolvu ruħhom fi djalogu kostruttiv dwar l-interess komuni u sabiex jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni reġjonali;

33.

Jenfasizza l-ħtieġa li fil-proċess tal-privatizzazzjoni jkun hemm ir-rieda u t-trasparenza, sabiex tiġi evitata kwalunkwe impressjoni ta' nepotismu u korruzzjoni;

34.

Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-Kosovo u dwar l-influwenza negattiva li l-pass kajman tar-riformi, il-korruzzjoni rampanti, u l-kriminalità organizzata qed ikollhom fuq l-ekonomija u fuq il-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-Kosovo; jenfasizza l-ħtieġa li l-Gvern tal-Kosovo jagħmel sforz ġenwin sabiex jassigura aktar trasparenza u responsabilità u sabiex isaħħaħ ir-rabtiet bejn il-livell politiku u s-soċjetà ċivili, jistieden lill-Gvern tal-Kosovo sabiex juża l-flus pubbliċi u dawk li ġejjin minn donaturi internazzjonali b'mod trasparenti u responsabbli, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-Kosovo joqrob aktar lejn l-istandards Ewropej fl-oqsma tar-responsabilità tas-settur pubbliku u tat-trasparenza ekonomika; iqis li dan huwa essenzjali għall-ħolqien ta' ambjent li jiġbed l-investiment u l-iżvilupp kummerċjali;

35.

Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni ekonomika reġjonali sħiħa u l-obbligi tal-konformità ma' u l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim CEFTA

36.

Jagħti parir lill-awtoritajiet tal-Kosovo sabiex jinvestu fl-enerġija li tiġġedded u biex ifittxu li joħolqu kooperazzjoni reġjonali f'dan il-qasam;

37.

Jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas ta' eneġija fil-Kosovo u jifhem il-ħtieġa li din il-problema tiġi ttrattata; madanakollu jinsab imħasseb dwar il-pjan tal-gvern li jibni impjant uniku kbir li jaħdem bil-linjite f'zona li fiha joqgħodu ħafna nies; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kosovo sabiex iqis l-impatt tal-impjant il-ġdid tal-linjite fuq l-ambjent, is-saħħa pubblika u fuq l-użu ta' riżorsi skarsi bħall-art u l-ilma, u sabiex jikkonforma mal-istandards ambjentali Ewropej u mal-politika Ewropea għall-bidla fil-klima;

38.

Jitlob lill-ICR sabiex jissorvelja x-xoljiment tal-Korp għall-ħarsien tal-Kosovo (Kosovo Protection Corps) u l-ħolqien tal-Forza għas-Sigurtà tal-Kosovo (Kosovo Security Force (KSF)) taħt is-superviżjoni diretta tal-KFOR; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kosovo sabiex jipprovdi għal superviżjoni ċivili sħiħa tal-KSF; jemmen li ma tistax issir reviżjoni tal-Ftehima Kumanovo bejn in-NATO u l-Gvern Serb sakemm ma jiġux garantiti stabilità u sigurtà sħaħ u sakemm ir-relazzjoni bejn is-Serbja u l-Kosovo ma tiġix iċċarata;

*

* *

39.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tal-Kosovo, lill-Gvern tas-Serbja, lill-Kap tal-Missjoni tal-UNMIK, lill-Kap tal-Missjoni tal-EULEX KOSOVO, lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Treġija u lill-Kumitat tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.


(1)  ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 207.

(2)  ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92.

(3)  ĠU L 42, 16.2.2008, p. 88.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/132


Ir-Relazzjonijiet Kummerċjali u Ekonomiċi maċ-Ċina

P6_TA(2009)0053

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar ir-Relazzjonijiet Kummerċjali u Ekonomiċi maċ-Ċina (2008/2171(INI))

(2010/C 67 E/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Mekkaniżmu ta' Djalogu Ekonomiku u Kummerċjali ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina (HLM) li ltaqa' għall-ewwel darba f'Beijing fil-25 ta' April 2008,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Għaxar Samit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar f'Beijing fit-28 ta' Novembru 2007,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titlu: “UE - Ċina: Imsieħba aktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet” (COM (2006)0631) kif ukoll id-dokument ta' ħidma li jakkumpanjaha bit-titolu “Dokument ta' politika dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u ċ-Ċina: Kompetizzjoni u Sħubija” (COM(2006)0632),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda mir-Raba' Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f'Doha, il-Qatar mid-9 sal-14 ta' Novembru 2001 dwar id-dħul taċ-Ċina fid-WTO b'effett mill-11 ta' Novembru 2001 u t-Taipei Ċiniż b'effett mill-1 ta' Jannar 2002,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar iċ-Ċina, partikolarment ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina (1) u tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar il-prospetti għal relazzjonijiet ta' kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina (2),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2007 bit-titolu “Opportunitajiet u sfidi futuri fir-Relazzjonijiet ta' Kummerċ u ta' Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina 2006-2010”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2008 dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina wara t-terrromot u qabel il-Logħob Olimpiku (3),

wara li kkunsidra t-Tmien Rapport Annwali “Dokument ta' Pożizzjoni dwar in-Negozju Ewropew fiċ-Ċina 2008/2009” tal-Kamra tal-Kummerċ tal-Unjoni Ewropea fiċ-Ċina,

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0021/2009),

A.

Billi l-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina żdied sew sa mis-sena 2000, u billi l-UE kienet l-akbar sieħba taċ-Ċina fil-kummerċ sa mill-2006 u ċ-Ċina kienet it-tieni l-akbar sieħba tal-Ewropa fil-kummerċ sa mill-2007,

B.

Billi żvilupp akbar u sħubija fid-WTO ifissru, minbarra benefiċċji sostanzjali, aktar responsabilità għaċ-Ċina biex ikollha rwol sħiħ u pożittiv fl-ordni ekonomiku globali, anke fil-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-Grupp tal-Bank Dinji,

C.

Billi, minkejja tkabbir kontinwu, il-kummerċ bilaterali bejn iċ-Ċina u l-UE, li għandha defiċit kummerċjali maċ-Ċina ta' aktar minn EUR 160 biljun fl-2007, jibqa' żbilanċjat,

D.

Billi l-iżbilanċ finanzjarju u makroekonomiku u l-waqgħa fid-domanda interna u fl-esportazzjoni huma l-kawża tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali attwali li taffettwa wkoll liċ-Ċina,

E.

Billi aċċess għas-suq Ċiniż hu kumplikat minħabba politiki industrijali mmexxija mill-istat, każi ta' ksur tar-regoli tal-brevetti u sistema ambigwa ta' standards u ta' konformità, li jwasslu għal ostakli tekniċi u mhux tariffarji (NTBs) għall-kummerċ għall-kumpaniji tal-UE,

F.

Billi l-produtturi tal-UE ta' oġġetti u servizzi huma ferm kompetittivi fis-swieq dinjija, waqt li aċċess ħieles u ġust għas-suq Ċiniż jippermetti lill-kumpaniji tal-UE li jżidu l-esportazzjonijiet u l-preżenza f'dan is-suq u jżidu wkoll il-kwalità u s-servizzi għall-konsumaturi Ċiniżi,

G.

Billi l-esportazzjonijiet tal-UE lejn iċ-Ċina żdiedu fl-2007 bi 18.7 fil-mija b'valur ta' EUR 231 biljun,

H.

Billi d-dimensjoni tal-produzzjoni ta' oġġetti foloz u illegali fiċ-Ċina tibqa' f'livell għoli u allarmanti u 60% tal-prodotti foloz ikkonfiskati mill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni Ewropea huma magħmula fiċ-Ċina; billi l-produzzjoni ta' dawn il-prodotti sikwit isseħħ f'faċilitajiet li jipproduċu wkoll għas-suq regolari u li ma josservawx kemm id-drittijiet tax-xogħol kif ukoll ir-rekwiżiti dwar is-saħħa u s-sikurezza, u huma ta' periklu għall-konsumaturi u, fil-każ tas-sustanzi kimiċi, għall-ambjent kollu,

Ġenerali

1.

Jenfasizza li l-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina kiber b'mod enormi u huwa l-unika sfida l-aktar importanti għar-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE;

2.

Jenfasizza li r-relazzjonijiet kummerċjali tal-Ewropa maċ-Ċina għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tar-reċiproċità u tal-kompetizzjoni u l-kummerċ ġusti, skont il-valuri komuni tagħna u l-aderenza għar-regoli tad-WTO, filwaqt li jitqiesu l-iżvilupp sostenibbli, ir-rispett għal limiti ambjentali, u l-kontribut għal għanijiet globali fil-prevenzjoni tal-bidla fil-klima;

3.

Huwa tal-opinjoni li ċ-Ċina, bħala wieħed mill-muturi tat-tkabbir dinji, għandha tagħmel il-parti sħiħa tagħha biex tassigura li l-ordni ekonomiku globali jiżviluppa b'mod sostenibbli u bbilanċjat;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli l-politika ta' impenn u ta' djalogu maċ-Ċina; jilqa' b'sodisfazzjon l-għajnuna teknika marbuta mal-kummerċ, mogħtija liċ-Ċina mill-Kummissjoni; iqis din l-għajnuna bħala vitali biex tappoġġja l-integrazzjoni b'suċċess taċ-Ċina fl-ekonomija dinjija u, b'mod partikolari, fl-implimentazzjoni tal-obbligi u l-impenji tagħha fid-WTO u biex ittejjeb il-kundizzjonijiet soċjali u ambjentali;

5.

Jenfasizza li bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina hemm bżonn ta' koperazzjoni li qatt ma kien hemm bħalha sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali; iqis li din hi opportunità kbira għaċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea flimkien biex juru sens ta' responsabilità u jagħtu s-sehem tagħhom biex jgħinu ħalli tissolva din il-kriżi;

6.

Huwa tal-opinjoni, li jeħtieġ li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali maċ-Ċina jimxi id f'id mal-iżvilupp ta' djalogu politiku ġenwin, produttiv u effettiv, li jinkludi varjetà wiesgħa ta' suġġetti; iqis li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu parti essenzjali u integrali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni biex tinsisti fuq it-tisħiħ tal-Klawsola tad-Drittijiet tal-Bniedem f'negozjati maċ-Ċina dwar Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni (PCA) imġedda;

7.

Jemmen li s-sistema attwali ta' kummerċ miftuħ tista' tistimula l-attività ekonomika bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-benefiċċju possibbli taż-żewġ naħat u tista' tkun opportunità bla preċedent għat-tkabbir ekonomiku u għall-integrazzjoni tagħhom fl-ekonomija dinjija, bil-kundizzjoni li l-politiki dwar il-kummerċ ikunu konformi mal-objettivi tal-iżvilupp u li t-tkabbir ekonomiku jissarraf fit-tnaqqis tal-faqar;

8.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli b'atteġġjament miftuħ fil-kummerċ tal-UE maċ-Ċina; jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom ikomplu joffru aċċess miftuħ u ġust għall-esportazzjoni miċ-Ċina u jantiċipaw l-isfida kompetittiva miġjuba miċ-Ċina; iqis li ċ-Ċina għandha tirreċiproka billi ssaħħaħ l-impenn tagħha favur sistema ekonomika miftuħa u riforma tas-suq;

9.

Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tieħu rwol attiv fid-WTO, li jkun proporzjonat mal-importanza ekonomika u kummerċjali tagħha sabiex tinkoraġġixxi żvilupp sod tal-kummerċ globali f'qafas ta' regoli b'saħħtu u trasparenti;

10.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni taċ-Ċina fil-Laqgħa tal-G-20 li nżammet f'Washington fil-15 ta' Novembru 2008, li għandha tħejji t-triq għall-involviment definittiv tagħha fl-affarijiet tad-dinja ekonomika u finanzjarja u biex sussegwentement tieħu responsabiltajiet kbar fuq livell globali;

11.

Jenfasizza li l-protezzjoniżmu ma jistax ikun ir-risposta tal-Ewropa għat-tkabbir fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina; jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom iħabirku b'mod aktar urġenti biex isir aktar progress fl-aġenda tar-riforma ta' Liżbona sabiex jiżviluppaw u jikkonsolidaw oqsma ta' vantaġġ komparattiv f'ekonomija globali u biex jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

12.

Jinnota li pjan ta' rkupru Ċiniż ta' importanza kbira għat-tkabbir u l-impjiegi kien ippreżentat biex jittratta l-kriżi ekonomika attwali; jenfasizza li l-miżuri ta' appoġġ hemm bżonn li jkunu temporanji, għandhom jissodisfaw ir-regoli tad-WTO u m'għandhomx joħolqu distorsjoni għall-kompetizzjoni ġusta;

13.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fondi ta' investimenti sovrani u l-intrapriżi li jappartjenu lill-Istat taċ-Ċina biex dawn jinvestu fl-Unjoni Ewropea, billi joħolqu impjiegi u tkabbir u jikkontribwixxu għall-benefiċċju reċiproku u l-bilanċ ta' flussi ta' investiment; ifakkar, madankollu, fin-nuqqas ta' trasparenza tas-swieq finanzjarji taċ-Ċina u jenfasizza l-importanza li għall-inqas tkun introdotta kodiċi ta' kondotta biex tassigura t-trasparenza tal-operazzjonijiet ta' investiment taċ-Ċina fis-suq tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Unjoni Ewropea u liċ-Ċina biex iżommu s-swieq rispettivi tagħhom ugwalment miftuħa għal investiment u biex jintroduċu dispożizzjonijiet trasparenti;

L-Aċċess għas-Suq

14.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li minn meta ssieħbet fid-WTO, iċ-Ċina rat żieda fin-numru ta' setturi industrijali li qed jiftħu għal investituri barranin; madankollu, hu mħasseb li fl-istess ħin xi setturi huma limitati jew miżmuma mill-aċċess għal investiment barrani u kienu introdotti miżuri diskriminatorji kontra kumpaniji barranin speċjalment f'inkorporazzjonijiet transkonfinali u f'akkwisti;

15.

Iqis li fiċ-Ċina l-prattiki protezzjonisti, il-burokrazija eċċessiva, it-tnaqqis tal-valur tar-Renminbi, is-sussidji taħt forom varji, u n-nuqqas ta' livell adegwat u miftiehem ta' infurzar tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali (IPRs) ifixklu l-aċċess għas-suq għal ħafna kumpaniji tal-UE;

16.

Jistieden liċ-Ċina biex tiftaħ aktar is-swieq tagħha għal oġġetti u servizzi u biex tkompli bir-riformi ekonomiċi sabiex tistabbilixxi qafas legali stabbli, prevedibbli u trasparenti għall-kumpaniji tal-UE, speċjalment għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs);

17.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddiskuti l-abbozz tal-Liġi Postali Ċiniża mal-Gvern Ċiniż sakemm dan l-abbozz jinkludi dispożizzjoni li tista' xxekkel servizzi espressi barranin; jemmen li qafas regolatorju bilanċjat għal servizzi postali espressi huwa meħtieġ sabiex titkompla l-politika taċ-Ċina ta' sostenn tal-investiment barrani u kompetizzjoni ġusta fis-settur ta' kunsinna espressa;

18.

Jirrikonoxxi l-passi li l-awtoritajiet Ċinżi ħadu biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq livell nazzjonali u l-progress fl-eGvern biex l-atti leġiżlattivi jkunu disponibbli għall-pubbliku, imma jinnota li jeħtieġ isir aktar progress sabiex ikun garantit aċċess ħieles u ugwali għas-suq Ċiniż għall-kumpaniji barranin;

19.

Jenfasizza li possibilitajiet akbar għall-aċċess għas-suq Ċiniż se jipprovdu opportunitijiet għall-kumpaniji tal-UE f'diversi oqsma bħall-produzzjoni tal-makkinarju, is-sustanzi kimiċi, is-settur tal-karozzi, il-farmaċewtiċi u l-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni, il-proġetti tal-Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif, l-agrikultura, il-kostruzzjoni kif ukoll għas-servizzi finanzjarji, tal-assikurazzjoni, tat-telekomunikazzjoni u dawk bl-imnut;

Ostakli, standards

20.

Jinnota li l-NTBs jirrappreżentaw ostaklu kbir għall-kumpaniji tal-UE fiċ-Ċina u għal kumpaniji Ċiniżi u li mhumiex tal-UE fl-Unjoni Ewropea, partikolarment għall-SMEs;

21.

Jistieden liċ-Ċina biex tadotta standards internazzjonali għall-prodotti u s-servizzi bil-għan li tippromwovi aktar kummerċ bejn iċ-Ċina u pajjiżi oħra; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ċ-Ċina qed iżżid il-parteċipazzjoni tagħha f'entitajiet internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards u jemmen li dan għandu jkun inkoraġġit u reċiprokat bil-parteċipazzjoni tal-UE fl-entitajiet taċ-Ċina li jistabbilixxu l-istandards tagħha stess; jenfasizza l-importanza li l-importazzjoni Ċiniża tkun konformi mal-istandards Ewropej għall-prodotti tal-ikel u dawk li mhumiex tal-ikel;

Materja prima

22.

Jikkundanna l-użu persistenti ta' restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni li jistgħu jostakolaw il-kummerċ bħal taxxi fuq l-esportazzjoni għal materja prima mill-Gvern Ċiniż; jistieden lill-Kummissjoni biex tinsisti fuq it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni kollha eżistenti fin-negozjati bilaterali kollha maċ-Ċina; jenfasizza li t-tneħħija ta' dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jikkostitwixxu element essenzjali ta' kummerċ ġust bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina; jenfasizza li huwa se jevalwa l-ftehimiet futuri kollha ta' kummerċ maċ-Ċina f'dan ir-rigward;

Għajnuna mill-Istat

23.

Hu mħasseb dwar l-intervent kontinwu tal-istat fil-politika industrijali kif ukoll ir-restrizzjonijiet diskriminatorji espliċiti, bħal fondi statali mingħajr limitu għall-finanzjament tal-esportazzjoni u limiti għal-livell ta' sjieda barranija f'ċerti setturi, li joħolqu distorsjoni fis-suq Ċiniż għall-kumpaniji tal-UE;

L-akkwist pubbliku

24.

Jistieden liċ-Ċina biex tingħaqad mal-Ftehima dwar l-Akkwist Pubbliku (GPA) kif miftiehem fl-2001 u biex taħdem b'mod kostruttiv f'negozjati dwar il-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku tagħha, u, fil-każ li jkun hemm konklużjoni b'suċċess tan-negozjati, tapplika proċeduri trasparenti, prevedibbli u ġusti meta jingħataw kuntratti pubbliċi sabiex kumpaniji barranin ikunu jistgħu jipparteċipaw fuq bażi ugwali; jistieden liċ-Ċina biex tipprovdi aċċess immedjat lill-kumpanniji tal-UE li huma stabbiliti u li joperaw fiċ-Ċina;

Munita

25.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-tlugħ fil-valur tar-Renminbi li sar fl-2008; iħeġġeġ liċ-Ċina biex tkompli tħalli r-Renminbi jitla' fil-valur, sabiex il-valur tiegħu fis-swieq finanzjarji internazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-Euro, jirrifletti aħjar il-pożizzjoni ekonomika taċ-Ċina; iħeġġeġ liċ-Ċiniżi biex ma jżommu ebda waħda mir-riżervi tal-iskambju tal-munita tagħhom bl-Euro;

Preżenza/għajnuna tal-UE

26.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fit-twaqqif taċ-Ċentru tal-UE f'Beijing, li se jgħin lill-SMEs, u jagħmel permanenti l-linja tal-baġit li tiffinanzja ċ-Ċentru, sabiex ikun assigurat il-futur tiegħu; jenfasizza l-bżonn li jkun żgurat li dan iċ-Ċentru jkollu mandat ċar, li jevita l-ħolqien ta' strutturi doppji u li jwassal għal sinerġiji ma' istituzzjonijiet eżistenti pubbliċi u privati minn Stati Membri; jilqa' b'sodisfazzjon ix-xogħol li sar mill-Helpdesk IPR SME biex jipprovdi informazzjoni u taħriġ lill-SMEs tal-UE dwar il-ħarsien u l-infurzar tal-IPR fiċ-Ċina;

27.

Jenfasizza l-importanza li tingħata għajnuna partikolarment lill-SMEs biex jingħelbu l-ostakli għall-aċċess għas-suq; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jassiguraw it-tħaddim b'suċċess ta' Gruppi Komunitarji speċjalizzati fl-Aċċess għas-Suq fiċ-Ċina;

L-enerġija, l-enerġija sostenibbli

28.

Jistieden lill-Unjoni Ewropea u liċ-Ċina biex jieħdu passi ħalli jippromwovu l-kummerċ f'oġġetti u servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, it-tkabbir ta' investiment fi proġetti sostenibbli u fl-infrastruttura u biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-industrija li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju;

29.

Jisħaq fuq l-opportunitajiet għas-settur tan-negozju Ewropew tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-enerġija rinnovabbli emerġenti taċ-Ċina ; jistieden liċ-Ċina biex ittejjeb l-aċċess għas-suq f'dan il-qasam;

30.

Jitlob koperazzjoni ikbar bejn l-UE u ċ-Ċina biex jiġi promoss it-trasferiment ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, b'mod partikulari fir-rigward tal-effiċjenza tal-enerġija kif ukoll is-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu; jenfasizza l-importanza kruċjali tal-iżvilupp u l-użu tal-qbid u l-ħażna tal-karbonju fiċ-Ċina, minħabba l-importanza tal-faħam għall-ekonomija tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina mezzi għall-appoġġ ulterjuri tal-iskambju tal-aħjar prattika maċ-Ċina dwar il-kwistjoni tal-iżvilupp sostenibbli;

Is-servizzi finanzjarji

31.

Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-investiment fiċ-Ċina għadu qed jirrestrinġi kumpaniji tal-UE, speċjalment fis-settur bankarju u tal-assigurazzjoni, minħabba spejjeż u regoli diffiċli u diskriminatorji ta' liċenzji meħtieġa għal impriżi konġunti ma' kumpaniji Ċiniżi; jistieden liċ-Ċina biex b'mod urġenti tindirizza dawn il-kwistjonijiet;

32.

Jemmen li swieq finanzjarji profondi, likwidi, miftuħa, trasparenti u regolati tajjeb għandhom ħila jkattru t-tkabbir ekonomiku u jqis li s-setturi Ċiniżi tal-ishma, tal-banek u tal-assigurazzjoni huma sottożviluppati, u jħeġġeġ liċ-Ċina tipparteċipa bis-sħiħ fid-dibattitu globali dwar it-titjib tal-qafas regolatorju u superviżorju għas-swieq finanzjarji;

33.

Jenfasizza l-importanza tal-involviment u l-koperazzjoni taċ-Ċina mal-IMF fl-iżvilupp ta' kodiċi globali ta' kondotta għall-fondi sovrani, li aktarx iwassal għal livell ogħla ta' trasparenza;

34.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa, kmieni kemm jista' jkun, l-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fuq is-setturi tal-industrija u tas-servizzi Ewropej rilevanti, li għandhom irwol kruċjali fid-definizzjoni tar-relazzjoni bejn l-esportazzjoni u l-importazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina; jitlob li din l-evalwazzjoni tintbagħat lill-Parlament hekk kif tintgħaraf xejra ċara;

Il-kummerċ ħieles u ġust

L-anti-dumping u l-istatus tal-ekonomija tas-suq

35.

Jikkunsidra li djalogu permanenti bejn l-awtoritajiet tal-kummerċ jista' jkun ta' għajnuna biex jevita u jsib tarf it-tilwim kummerċjali; jinnota, madankollu, li użu effettiv u effiċjenti tal-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ jikkontribwixxi biex ikunu assigurati kundizzjonijiet ġusti ta' kummerċ bejn iċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea minħabba n-numru dejjem jikber ta' każi ta' anti-dumping imressqa kontra produtturi Ċiniżi;

36.

Hu tal-fehma li f'ħafna oqsma l-ekonomija Ċiniża għadha ma tissodisfax il-kriterji li permezz tagħhom tista' tkun meqjusa bħala ekonomija tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem mal-Gvern Ċiniż sabiex tegħleb l-ostakli għal status ta' ekonomija tas-suq u sabiex tagħti dan l-istatus liċ-Ċina biss meta hi tissodisfa l-kriterji rilevanti;

L-IPRs u l-iffalsifikar

37.

Jinnota bi tħassib li, għalkemm iċ-Ċina għamlet progress fl-integrazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-proprjetà intellettwali, l-infurzar effettiv tal-IPRs jibqa' problematiku sew;

38.

Jistieden liċ-Ċina biex iżżid l-isforzi tagħha biex tindirizza n-nuqqas ta' implimentazzjoni u ta' infurzar tal-IPRs; jenfasizza l-importanza tal-armonizzazzjoni tal-politika ċentrali u reġjonali kif ukoll tar-regolamentazzjoni fiċ-Ċina u l-implimentazzjoni unifikata fil-pajjiż kollu;

39.

Hu mħasseb dwar id-dimensjoni tal-produzzjoni ta' oġġetti foloz u illegali fiċ-Ċina, li għadu f'livell għoli u allarmanti; jistieden lill-Kummissjoni, f'koperazzjoni mal-awtoritajiet Ċiniżi fuq livell nazzjonali u reġjonali, biex tkompli l-ġlieda kontra l-iffalsifikar;

40.

Jesprimi tħassib kbir dwar in-numru li dejjem jikber ta' liċenzji ta' mudell u disinn ta' utilità fiċ-Ċina li huma ħafna drabi kopji jew modifikazzjonijiet żgħar ta' teknoloġija eżistenti Ewropea u ma jikkontribwixxux għal innovazzjoni reali;

41.

Jemmen li, filwaqt li ċ-Ċina qiegħda ssir aktar innovattiva, ikun fl-aħjar interessi tagħha li tħares id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali; jemmen, madankollu, li regolamenti li jeħtieġu r-reġistrazzjoni esklużiva tal-innovazzjonijiet fiċ-Ċina jistgħu jillimitaw sew l-attivitajiet tan-negozju, jimpedixxu liċ-Ċina milli tibbenefika mill-innovazzjoni u jiżvalutaw il-marka “Made in China”;

Dwana

42.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar ta' Pjan ta' Azzjoni konġunt dwar l-Infurzar tad-Dwana għall-IPR, bil-għan li tissaħħaħ il-koperazzjoni tad-dwana fuq konfiski ta' oġġetti ffalsifikati u jkunu implimentati miżuri konkreti biex jonqos il-bejgħ ta' oġġetti ffalsifikati; jistieden lill-Kummissjoni biex tidħol f'negozjati maċ-Ċina dwar il-kondizzjonijiet tagħha biex tieħu sehem fil-Ftehima Kummerċjali Kontra l-Iffalsifikar (ACTA);

43.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-koperazzjoni mal-awtoritajiet Ċiniżi fil-Ftehima dwar il-Koperazzjoni tad-Dwana bil-għan li tiffaċilita l-kummerċ;

44.

Jitlob lill-Kummissjoni, bħala segwitu għall-Memorandum ta' Ftehim 2005 dwar it-tessuti, biex tkompli tiddiskuti l-iżviluppi fid-djalogu tal-kummerċ tat-tessuti UE-Ċina u fil-Mekkaniżmu ta' Djalogu Ekonomiku u Kummerċjali ta' Livell Għoli (HLM); jistieden lill-Kummissjoni sabiex issegwi mill-qrib l-importazzjoni tat-tessuti li joriġinaw miċ-Ċina;

L-impatt soċjali u ambjentali

45.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar livelli għolja ta' tniġġis ikkawżati mill-industrija Ċiniża u mill-konsum tagħha li qed jikber tar-riżorsi naturali, partikolarment dawk li jinkisbu minn sorsi mhux sostenibbli; huwa konxju tal-koresponsabilità Ewropea għas-sitwazzjoni, minħabba li sehem għoli ta' produzzjoni industrijali Ċiniża tappartjeni lill-kumpaniji Ewropej jew hija ordnati minn kumpaniji u bejjiegħa bl-imnut Ewropej għall-konsum fl-Ewropa;

46.

Jinnota li s-snin riċenti ta' tkabbir ekonomiku għoli fiċ-Ċina ma kienux ta' benefiċċju għas-segmenti kollha tal-popolazzjoni Ċiniża u li l-qabża soċjali bejn is-sinjuri u l-fqar qatt ma kienet kbira daqs illum;

47.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-attivitajiet taċ-Ċina fil-qasam tal-ambjent fil-kuntest tal-preparazzjoni għal-Logħob Olimpiku tal-2008; jistieden lill-gvern Ċiniż biex jikkontribwixxi attivament għas-suċċess tal-Konferenza dwar il-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (COP 15) li se ssir mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2009 f'Kopenħagen, billi jħajjar lis-settur finanzjarju tiegħu jħejji ruħu għad-dħul ta' skema internazzjonali ta' skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet;

48.

Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tipparteċipa fil-COP 15 u taċċetta r-responsabilitajiet tagħha billi tagħti s-sehem globali tagħha biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra u billi tiġġieled kontra l-bidla fil-klima;

49.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jieħdu passi konkreti sabiex jadottaw u jinkoraġġixxu l-użu ta' teknoloġiji u prattiki li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra; jinnota li hu importanti ferm li jiġu promossi teknoloġiji tan-negozju favur l-ambjent jekk il-Gvern Ċiniż irid li jżomm it-tkabbir ekonomiku waqt li jħares l-ambjent tiegħu; jirrikonoxxi li ċ-Ċina ma tistax tkun mistennija li titlob lill-popolazzjoni tagħha ġġorr il-piż ta' limitazzjoni ta' emissjonijiet tal-gass b'effett serra mingħajr azzjoni mill-Punent;

50.

Hu mħasseb dwar ix- xogħol mit-tfal fiċ-Ċina; jitlob lill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni malajr kemm jista' jkun u jitlob lill-Gvern Ċiniż biex jimmassimizza l-isforzi tiegħu biex jelimina l-kawżi bażiċi sabiex jintemm dan il-fenomenu;

51.

Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tirratifika l-Konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), partikolarment il-Konvenzjoni Nru 87 dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt ta' Organizzazzjoni; kif ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi li ċ-Ċina ffirmat iżda għadha ma rratifikatx;

52.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-traspożizzjoni mic-Ċina tal-Istandards Internazzjonali dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) fil-liġi domestika tagħha; jinkoraġġixxi liċ-Ċina biex tkompli tadotta l-IFRS filwaqt li tiżgura l-implimentazzjoni tagħha fil-prattika; jitlob lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-IFRS fiċ-Ċina;

53.

Jistieden lin-negozjanti Ewropej li joperaw fiċ-Ċina biex japplikaw l-ogħla standards internazzjonali u l-aħjar prattiki tar-responsabilità soċjali korporata fir-rigward tal-ħaddiema u tal-ambjent;

54.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema fiċ-Ċina; jistieden liċ-Ċina biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex jinġiebu għal-livell tal-istandards ewlenin tal-ILO;

55.

Jitlob lill-Unjoni Ewropea u liċ-Ċina biex jikkoperaw dwar standards għall-karozzi, għat-trakkijiet, għall-vetturi tqal, għall-avjazzjoni u l-bastimenti, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u jiġu stabbiliti standards aktar favur il-klima;

56.

Jitlob aktar koperazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi (REACH) bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina;

57.

Jinsab allarmat bil-għadd ta' inċidenti reċenti dwar prodotti Ċiniżi mhux sikuri u b'mod partikolari dawk dwar il-ġugarelli tat-tfal, l-ikel u l-mediċina; jilqa' b'sodisfazzjon id-determinazzjoni tal-Gvern Ċiniż li jittratta din il-problema; jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-appoġġ u l-koordinazzjoni mal-awtoritajiet Ċiniżi f'dan il-qasam;

58.

Jikkundanna b'mod qawwi l-kundanni għall-mewt li ngħataw mill-awtoritajiet Ċiniżi lil uħud minn dawk involuti fil-kontaminazzjoni tal-ħalib tat-trab tat-trabi bil-melamina;

59.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni f'dan il-qasam, permezz tas-sistema ta' rappurtar ta' kull tliet xhur dwar l-azzjonijiet ta' infurzar Ċiniżi sabiex jinqabdu fil-bidu oġġetti perikolużi nnotifikati fis-sistema Rapex-Ċina, biex b'hekk tiżdied is-sikurezza għall-konsumatur Ewropew;

60.

Jisħaq fuq l-importanza tal-kuntatti trilaterali bejn il-Kummissjoni, u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Uniti u ċ-Ċina bil-għan li titjieb il-governanza globali tas-sikurezza tal-prodotti; f'dan il-qasam, iqis li jkun utli immens li tingħata kemm jista' jkun malajr forma konkreta lill-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit grupp ta' ħidma konġunt dwar is-sikurezza tal-prodott u tal-importazzjoni fil-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku;

X'se jiġri 'l quddiem

61.

Jinnota li s-soċjetà Ċiniża nbidlet ħafna f'dawn l-aħħar 30 sena u l-progress dejjiemi jista' jseħħ biss bil-mod; jemmen li d-demokrazija teħtieġ soċjetà ċivili effettiva, li mbagħad tissaħħaħ bir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-UE; għalhekk jemmen li l-“bidla permezz tal-kummerċ” hija mod li jgħin it-trasformazzjoni taċ-Ċina biex issir soċjetà miftuħa u demokratika u li minnha jibbenefikaw it-taqsimiet kollha tas-soċjetà; filwaqt li jiddispjaċih li l-intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina ma mxewx id f'id mal-progress sostanzjali fir-rigward tad-djalogu tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li aktar riformi, speċjalment fl-oqsma ambjentali u soċjali, huma meħtieġa sabiex ikun żgurat progress ġenerali u dejjiemi;

62.

Jiddispjaċih li ċ-Ċina pposponiet is-samit UE-Ċina li kellu jsir fl-1 ta' Diċembru 2008 f'Lyon meta wieħed iqis il-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u jenfasizza l-importanza kbira li jinbena djalogu dwar il-bidla fil-klima kif ukoll ftehim reċiproku dwar il-kwistjonijiet ewlenin tal-kummerċ f'mument daqshekk kritiku għall-ekonomija dinjija; jispera li dan is-samit isir malajr kemm jista' jkun;

63.

Jistieden liċ-Ċina biex tkompli tikkontribwixxi b'mod sħiħ għall-isforzi li jħaffu n-negozjati skont l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha;

64.

Jenfasizza li l-Ftehima l-ġdida ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni UE-Ċina għandha twassal biex tistabbilixxi kummerċ ħieles u ġust ibbażat fuq l-infurzar tal-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli u l-kwisjtonijiet soċjali;

65.

Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tal- HLM bħala forum għal aktar żvilupp fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina fuq livell strateġiku u jqis li element importanti ta' dan il-proċess hu li l-HLM iwassal għal riżoluzzjoni sodisfaċenti dwar punti li jirritaw il-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni biex tpoġġi iktar ambizzjoni fl-HLM billi tinnomina wieħed mill-Viċi Presidenti tagħha tal-Kummissjoni l-ġdida li se tkun stabbilita fl-2009 bħala l-Kummissarju ta' koordinazzjoni, li jmexxi d-delegazzjoni HLM;

66.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ftehimiet kollha eżistenti ta' Riċerka u Żvilupp (R&D) jaħdmu b'mod effettiv maċ-Ċina biex tiġi promossa l-koperazzjoni dwar l-R&D; jirrakkomanda li l-isforzi tar-Riċerka u l-Iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina jiġu kkonċentrati b'mod aktar strateġiku u b'mod aktar rilevanti f'termini ta' avvanzi teknoloġiċi, ħtiġijiet tas-soċjetà, diżastri ambjentali u żviluppi ekonomiċi futuri; jitlob liż-żewġ partijiet biex jiffaċilitaw it-trasferiment tat-teknoloġija u tal-kompetenza teknika billi jiffaċilitaw il-programmi ta' skambju tar-riċerkaturi u l-akkademiċi;

67.

Jilqa' t-tqarrib bejn iċ-Ċina u t-Tajwan; iqis li t-Tajwan bħala entità ekonomika u kummerċjali, hi r-raba' l-ikbar imsieħeb kummerċjali tal-UE fl-Ażja; jappoġġja l-parteċipazzjoni tat-Tajwan bħala osservatur fl-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti, fejn dan ma jirrikjedix l-istatus ta' stat pereżempju fl-ILO;

68.

Jilob aktar koperazzjoni bejn l-universitajiet Ewropej u Ċiniżi u aktar mobilità għax-xjenzjati, ir-riċerkaturi u l-istudenti bejn l-UE u ċ-Ċina;

69.

Jappoġġja l-iżvilupp kontinwu tal-koperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina dwar ix-xjenza, l-applikazzjonijiet u t-teknoloġija spazjali; iqis li l-kollaborazzjoni mill-qrib hija essenzjali għall-koeżistenza tal-programmi Compass u Galileo, partikolarment biex tkun żgurata l-kompatibilità tagħhom fl-interess tal-utenti globali;

70.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Gvern Ċiniż biex flimkien jesploraw mezzi biex tiġi żviluppata dimensjoni parlamentari għall-ħidma tal-Mekkaniżmu ta' Livell Għoli (HLM), bil-mandat li tintlaħaq il-komunità l-aktar wiesgħa tal-partijiet interessati u li tleħħen it-tħassib tagħha;

71.

Jagħti l-appoġġ tiegħu għall-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi ambjent kummerċjali li jiffavorixxi l-SMEs bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni bl-isem “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir - Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa” (COM(2008)0394), u f'dan ir-rigward jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni biex titnieda skema bl-isem “It-Triq lejn iċ-Ċina”, b'punt fokali partikulari fuq it-twaqqif ta' Programm ta' Taħriġ għall-Eżekuttiv fiċ-Ċina li jippromwovi l-aċċess tal-SMEs Ewropej għas-suq Ċiniż sal-2010;

72.

Jitlob liċ-Ċina biex tippromwovi koperazzjoni bejn l-universitajiet Ċiniżi u l-SMEs tal-UE biex tittejjeb l-innovazzjoni tal-SMEs fiċ-Ċina, u b'hekk jinħolqu aktar impjiegi u jiżdiedu l-kummerċ u l-prodott ekonomiku; jitlob ukoll liċ-Ċina biex tippromwovi l-koperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet biex jitjiebu u jitkattru t-tekniki favur il-klima biex jiġu mminimizzati l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra kkawżati mill-SMEs tal-UE fiċ-Ċina;

73.

Jistieden lill-Kummissjoni biex iġġib 'il quddiem il-koperazzjoni bejn negozju u negozju, biex iżżid l-għarfien tal-websajt tal-Bażi tad-Data dwar l-Aċċess għas-Swieq u biex ittejjeb il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim;

74.

Jinkoraġġixxi l-programmi mfassla biex tiżdied il-parteċipazzjoni fil-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-UE, bħall-Programm għat-Taħriġ tal-Eżekuttiv; jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-assistenza teknika liċ-Ċina sabiex jiġu implimentati regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza kif ukoll sabiex titjieb il-koperazzjoni doganali;

75.

Jemmen li l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina qed isiru aktar interdipendenti u li l-kumplessitajiet u l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina għandhom bżonn aktar koordinament fost l-Istati Membri u mal-Kummissjoni; ifakkar liċ-Ċina li għandha tissodisfa l-obbligi tagħha li joriġinaw mill-ftehimiet internazzjonali; jistenna bil-ħerqa li jkun hemm djalogu effettiv u orjentat lejn il-kisba ta' riżultati maċ-Ċina rigward l-isfidi globali; japprova s-sħubija strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza fin-negozjati u fil-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina;

76.

Iqis li l-EXPO 2010 f'Shanghai, iċ-Ċina, se jkun opportunità kbira għas-settur tan-negozju tal-UE f'termini ta' riklamar, ta' netwerk u ta' preżentazzjoni tiegħu lill-pubbliku Ċiniż u lis-settur tan-negozju Ċiniż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tassigura li s-settur tan-negozju tal-UE jkollu stand fl-EXPO 2010;

77.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti l-appoġġ tagħha għat-twaqqif ta' Kunsill tan-Negozju bejn iċ-Ċina u l-UE, fuq l-istess linji tal-Kunsill tan-Negozju bejn l-Istati Uniti u l-UE;

*

* *

78.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Kungress Nazzjonali Popolari taċ-Ċina.


(1)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 219.

(2)  ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 103.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2008)0362.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/141


Sri Lanka

P6_TA(2009)0054

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar Sri Lanka

(2010/C 67 E/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħi dwar is-Sri Lanka tat-18 ta' Mejju 2000 (1), l-14 ta' Marzu 2002 (2) u l-20 ta' Novembru 2003 (3), ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2005 (4) dwar id-diżastru taz-tsunami fl-Oċean Indjan u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2006 (5) dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta' Mejju 2006 (6) li b'mod formali tiddenunzja lit-Tigri Tamil (LTTE),

wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta' Awwissu 2006 dwar is-Sri Lanka,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Tokyo dwar ir-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp tas-Sri Lanka tal-10 ta' Ġunju 2003, li torbot l-għajnuna tad-donaturi mal-progress fil-proċess tal-paċi,

wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Waqfien mill-Ġlied iffirmat bejn il-Gvern tas-Sri lanka u l-LTTE, li daħlet fis-seħħ fit-23 ta' Frar 2002,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Oslo ta' Dicembru 2002, li fiha l-Gvern tas-Sri Lanka u l-LTTE qablu li jfittxu soluzzjoni msejsa fuq struttura federali fi ħdan Sri Lanka magħquda,

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi sa mill-bidu tal-offensiva militari tal-Gvern f'Ottubru 2008, l-LTTE rtiraw fiz-zona tat-Tramuntana, u dan ġiegħel lil persuni pajżana jidħlu aktar 'il ġewwa fit-territorju fil-kontroll tagħhom u ħalla mijiet ta' persuni mejta u madwar 250,000 persuna pajżana maqbuda bejn l-armata tas-Sri Lanka u s-separatisti LTTE fir-reġjun Mullaitivu,

B.

billi s-Sri Lanka ilha ġġarrab ir-ribelljoni armata tal-LTTE (it-Tigri Tamil) u r-rispons tal-Gvern għal xi 25 sena, ribelljoni li wasslet għal xi 70,000 mewt,

C.

billi l-popolazzjoni pajżana taz-zoni liberati teħtieġ assistenza umanitarja, u li filwaqt li l-aġenziji tal-gvern issa setgħu iwieġbu għall-ħtiġijiet tagħhom, ħafna eluf ta' persuni pajżana fiz-zoni tal-kunflitt għadhom esposti għal periklu kbir u għadhom nieqsa mill-ħtiġijiet bażiċi tal-ħajja,

D.

billi hemm tħassib kbir dwar attakki bil-balal fuq sptar u fuq bini li kien qed joffri kenn għal persunal nazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti f'zona sikura, liema attakki qatlu u darbu ħafna persuni pajżana,

E.

billi, skont l-organizzazzjoni Amnesty International, kemm il-forzi tal-Gvern kif ukoll l-LTTE wettqu ksur tal-liġijiet tal-gwerra billi spostjaw persuni pajżana u waqqfuhom milli jaħarbu lejn post sikur,

F.

billi l-Missjoni Internazzjonali għal-Libertà tal-Istampa fis-Sri Lanka nnotat tliet xejriet rigward ir-rappurtar tal-kunflitt: nuqqas ta' aċċess għall-istampa u ta' fluss ta' tagħrif indipendenti fiz-zona tal-kunflitt, attakki fuq u intimidazzjoni ta' ġurnalisti li jkunu qed jirrappurtaw dwar il-kunflitt, u l-awtoċensura tal-mezzi tax-xandir,

G.

billi sa mill-bidu tal-2009, il-qtil ta' editur anzjan, Lasantha Wickramatunga, u l-attakk fuq il-faċilitajiet ta' stazzjon indipendenti popolari tat-televiżjoni, wasslu għal paraliżi tal-komunità tal-mezzi tax-xandir,

H.

billi mill-inqas 14-il ġurnalist ġew maqtula u ħafna oħra ġew maħtufa jew arrestati sa mill-2006, u billi l-organizzazzjoni Reporters Without Borders poġġew lis-Sri Lanka fil-165 post minn 173 pajjiż fl-indiċi tagħha tal-ħelsien tal-istampa fl-2008,

I.

billi l-importanza tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u r-regoli umanitarji mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt għandha tiġi żgurata, mhux biss bħala rispons immedjat għas-sitwazzjoni li sejra għall-agħar iżda wkoll bħala element fundamentali għall-proċess tas-sejbien ta' soluzzjoni ġusta u dejjiema għall-kunflitt,

J.

billi l-Ko-Chairpersons ta' Tokyo (in-Norveġja, il-Ġappun, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea) talbu b'mod konġunt lil-LTTE biex jiddiskutu il-modalitajiet għat-tmiem tal-kunflitt mal-Gvern tas-Sri Lanka, inkluż li jċedu l-armi, jiċħdu l-vjolenza, jaċċettaw l-offerta ta' amnestija mingħand il-Gvern tas-Sri Lanka, u jipparteċipaw bħala partit politiku fil-proċess għal kisba ta' soluzzjoni politika ġusta u dejjiema,

K.

billi l-Ko-Chairpersons ta' Tokyo talbu b'mod konġunt lill-Gvern tas-Sri Lanka u lil-LTTE biex jiddikjaraw perjodu temporanju ta' waqfien mill-ġlied sabiex jippermettu l-evakwazzjoni tal-morda u tal-midruba u sabiex tiġi pprovduta għajnuna umanitarja lill-persuni pajżana,

1.

Jemmen li l-iżvilupp riċenti jista' jikkostitwixxi mument ta' bidla fil-kriżi tas-Sri Lanka, japprova l-istqarrija mill-Ko-Chairpersons ta' Tokyo u jittama li dalwaqt tirrenja l-paċi u l-istabilità fil-pajjiż;

2.

Jemmen li rebħa militari fuq l-LTTE kif previst mill-gvern ta' Sri Lanka mhix se tneħħi l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni politika sabiex tkun żgurata paċi dejjiema;

3.

Jitlob lill-gvern u lill-LTTE sabiex jirrispettaw ir-regoli tal-gwerra, jimminimizzaw id-danni lil persuni pajżana waqt operazzjonijiet militari u sabiex b'mod immedjat jippermettu vjaġġar sikur kif ukoll aċċess għall-għajnuna umanitarja għall-eluf ta' ċittadini maqbuda fiz-zona tal-kunflitt;

4.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-wegħda tal-gvern tas-Sri lanka li jiżgura investigazzjonijiet sħaħ, miftuħa u trasparenti dwar il-ksur allegat tal-libertà tal-mezzi tax-xandir biex jindirizza wkoll il-kultura ta' impunità u indifferenza dwar il-qtil u l-attakki fuq il-ġurnalisti fis-Sri Lanka;

5.

Jenfasizza l-ħtieġa għal osservaturi internazzjonali sabiex jevalwaw il-ħtiġijiet umanitarji ta' kwart ta' miljun persuna maqbuda fir-reġjun Wanni u sabiex jiżguraw distribuzzjoni xierqa tal-ikel u assistenza oħra umanitarja, b'mod partikulari minħabba li l-ġlied qed ikompli joqrob lejn il-popolazzjoni pajżana maqbuda;

6.

Itenni l-kundanna tiegħu għall-abbuż terribbli tat-tfal li jiġu reklutati bħala suldati tfal, liema reklutaġġ huwa delitt tal-gwerra, u jitlob lill-gruppi ribelli kollha sabiex iwaqqfu din il-prattika, jeħilsu lil dawk li qed iżommu u jagħmlu stqarrija ta' prinċipju li mhux se jirreklutaw ebda tfal fil-ġejjieni;

7.

Iħeġġeġ lill-Gvern sabiex jagħti attenzjoni urġenti lit-tindif ta' zoni mill-minjieri tal-art, li l-preżenza tagħhom tista' tippreżenta ostakolu serju għar-rijabilitazzjoni u r-riġenerazzjoni'ekonomika; jitlob lill-Gvern tas-Sri Lanka sabiex f'dan ir-rigward jieħu l-pass pożittiv ħafna li jaderixxi mat-Trattat ta' Ottawa (Il-Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Ħżin, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini ta' Kontra l-Persuni u l-Qerda tagħhom);

8.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Gvern tas-Sri Lanka għal devoluzzjoni provinċjali sustantiva, li tippermetti zoni li b'mod predominanti huma Tamil kif ukoll zoni oħra li jeżerċitaw kontroll akbar fuq l-amministrazzjoni tagħhom f'pajjiż magħqud; jitlob lill-Gvern sabiex jimplimenta dan b'mod rapidu, u b'hekk jiżgura li ċ-ċittadini kollha tas-Sri Lanka jkollhom drittijiet indaqs;

9.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jerġgħu jirduppjaw l-isforzi tagħhom għal paċi stabbli u ġusta għas-Sri Lanka u sabiex jerġa' jkun hemm sigurtà u prosperità;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Gvern tan-Norveġja u lill-Ko-Chairpersons oħrajn tal-Konferenza tad-Donaturi ta' Tokyo, lill-President u lill-Gvern tas-Sri Lanka, u lill-partijiet l-oħra involuti fil-kunflitt.


(1)  ĠU C 59, 23.2.2001, p. 278.

(2)  ĠU C 47 E, 27.2.2003, p. 613.

(3)  ĠU C 87 E, 7.4.2004, p. 527.

(4)  ĠU C 247 E, 6. 10.2005, p. 147.

(5)  ĠU C 297 E 7.12.2006, p. 384.

(6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/379/KE tad-29 ta' Mejju 2006 li timpliment l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/930/KE, ĠU L 144, 31.5.2006, p. 21.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/144


Is-sitwazzjoni tar-refuġjati Burmani fit-Tajlandja

P6_TA(2009)0055

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Burmani fit-Tajlandja

(2010/C 67 E/18)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 tiegħu,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burma,

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi kien rappurtat li madwar 1 000 persuni tar-Rohingya li qasmu bid-dgħajjes kienu interċettati mill-flotta fl-ibħra territorjali Taljandiżi bejn it-18 u t-30 ta' Diċembru 2008 u sussegwentement miġbuda fl-ibħra internazzjonali mingħajr tagħmir ta' navigazzjoni jew ikel u ilma biżżejjed; billi ħafna minn dawk il-persuni li qasmu bid-dgħajjes huma mitlufa u hemm biża' li għerqu waqt li xi wħud minnhom kienu salvati mill-gwardji tal-kosta Indoneżjani jew Indjani,

B.

billi il-persuni tar-Rohingya, komunità etnika prinċipalment Musulmana fil-punent ta' Burma, huma suġġetti għal każi ta' ksur sistematiku, persistenti u numeruż tad-drittijiet tal-bniedem mir-reġim ta' tmexxija militari, li jinkludu r-rifjut tad-drittijiet taċ-ċittadinanza, restrizzjonijiet severi tal-libertà tal-moviment u arresti arbitrarji,

C.

billi fis-snin reċenti eluf ta' Burmani ħarbu minn pajjiżhom minħabba r-ripressjoni u l-ġuħ mifrux u qiegħdu ħajjithom fil-periklu biex jaslu fit-Tajlandja u f'pajjiżi oħra tax-Xlokk tal-Asja; billi t-Tajlandja qed issir dejjem iżjed pajjiż ta' tranżitu għar-refuġjati Burmani,

D.

billi l-awtoritajiet Tajlandiżi ċaħdu dawn l-akkużi u l-Prim Ministru Abhisit Vejjajiva wiegħed investigazzjoni sħiħa dwar dan,

E.

billi l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati uriet it-tħassib tagħha dwar ir-rapporti ta' maltrattament tar-refuġjati Burmani u kisbet aċċess għal xi wħud mill-126 persuni Rohingya li għadhom qed jinżammu taħt kustodja mill-awtoritajiet Tajlandiżi,

F.

billi l-awtoritajiet Tajlandiżi qed jisħqu li l-migranti maqbuda f'ibħra Tajlandiżi kienu migranti ekonomiċi illegali,

1.

Jikkundanna rapporti ta' trattament inuman tar-refuġjati Rohingya u jħeġġeġ lill-Gvern Tajlandiż, bħala membru rispettabbli tal-komunità internazzjonali magħruf sew għall-ospitalità tiegħu mar-refuġjati, biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa ħalli jiżgura li l-ħajjiet tal-persuni tar-Rohingya ma jkunux fil-periklu u li jkunu ttrattati f'konformità mal-istandards umanitarji;

2.

Jikkundanna bil-qawwa l-persekuzzjoni kontinwa tal-persuni tar-Rohingya mill-Gvern Burman li għandu r-responsabilità ewlenija fis-sitwazzjoni serja tar-refuġjati; jitlob lill-persuni tar-Rohingya jingħata lura ċ-ċittadinanza Burmana, li minnufih jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha għal-liberta' ta' moviment tagħhom u d-dritt tagħhom għall-edukazzjoni, id-dritt li jiżżewġu u li jieqfu l-persekuzzjonijiet reliġjużi u l-qerda tal-Moskej u ta' postijiet oħra ta' qima u jieqfu l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż kif ukoll il-faqar deliberat, it-tassazzjoni arbitrarja u l-konfiska ta' l-art;

3.

Jappella lill-gvern Tajlandiż biex ma jirritornax ir-refuġjati Rohingya u ta' dawk li qed ifittxu l-ażil, inklużi l-persuni li qasmu bid-dgħajjes, lejn Burma fejn il-ħajja tagħhom se tkun fil-periklu jew fejn huma suġġetti għat-tortura;

4.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-istqarrija tal-Prim Ministru Tajlandiż Abhisit Vejjajiva biex jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' maltrattament mill-militar fuq ir-Rohingya li qed ifittxu l-ażil u jitlob li ssir inkjesta sew u imparzjali bi trasparenza sħiħa sabiex tistabbilixxi l-fatti u tittieħed azzjoni xierqa kontra dawk responsabbli mill-maltrattament tar-refuġjati Burmani;

5.

Jilqà l-kooperazzjoni tal-Gvern Taljandiż mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u jitlob aċċess immedjat u sħiħ għall-persuni Rohingya li qasmu bid-dgħajjes kollha u li huma taħt kustodja sabiex jiddefinixxi l-livell tal-ħtieġa tagħhom għal protezzjoni; jistieden fl-istess waqt lill-gvern Tajlandiż biex jiffirma l-Konvenzjoni tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 tiegħu;

6.

Jisħaq li l-kwistjoni tal-persuni li qasmu bid-dgħajjes u li taffettwa t-Tajlandja u pajjiżi oħra hi essenzjalment kwistjoni reġjonali; iqis b'mod pożittiv l-isforzi tal-gvern Tajlandiż biex iżid il-koperazzjoni fost il-ġirien tar-reġjun biex tkun indirizzata l-kwistjoni tar-Rohingya; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-laqgħa li saret fit-23 ta' Jannar 2009 mis-Segretarju Permanentimis-Segretarju għall-Affarijiet Barranin Virasakdi Futrakul mal-Ambaxxaturi tal-Indja, tal-Indoneżja, tal-Bangladexx, tal-Malażja u ta' Burma; u jappella lill-membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tal-Asja tax-Xlokk (ASEAN), u l-aktar il-presidenza Tajlandiża, u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti biex jaħdmu ħalli tinstab soluzzjoni permanenti għal din il-problema li ilha teżisti;

7.

Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex isaħħu l-Pożizzjoni Komuni tal-UE, li se tkun riveduta f'April 2009, biex tista' tindirizza d-diskriminazzjoni terribbli kontra r-Rohingya;

8.

Iqis bħala importanti ferm li tintbagħat missjoni tal-PE f'Burma minħabba s-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem, li għadha mhix qed turi titjib, u jemmen li l-pressjoni internazzjonali fuq ir-reġim għandha tkun imsaħħa;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-gvern tar-Renju tat-Tajlandja, lill-Gvern ta' Burma, lis-Segretarju Ġenerali tal-Asja tal-Xlokk, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/146


Iċ-ċaħda għall-estradizzjoni mill-Brażil ta' Cesare Battisti

P6_TA(2009)0056

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar iċ-ċaħda għall-estradizzjoni mill-Brażil ta' Cesare Battisti

(2010/C 67 E/19)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill magħmula minn Véronique De Keyser f'isem il-Grupp PSE dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil (B6-0449/2008),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Qafas għall-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federali tal-Brażil,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2007 bit-titolu “Lejn Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil” (COM(2007)0281),

wara li kkunsidra l-każ taċ-ċittadin Taljan, Cesare Battisti, li l-estradizzjoni tiegħu mill-Brażil qed tintalab mill-Italja iżda li qed tiġi miċħuda mill-awtoritajiet Brażiljani,

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi Cesare Battisti instab ħati in absentia, f'deċiżjonijiet finali tal-qrati Taljani, tal-qtil ta' erba' persuni u tal-involviment fi grupp armat, ta' serq, ta' pussess ta' armi tan-nar u ta' atti ta' vjolenza bl-armi,

B.

wara li kkunsidra l-ħarba ta' Cesare Battisti lejn Franza fl-1990 u d-deċiżjoni finali fl-2004 tal-Kunsill tal-Istat u tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiżi li awtorizzaw li Battisti jiġi mogħti f'idejn l-awtoritajiet Taljani,

C.

billi, wara dik id-deċiżjoni Cesare Battisti staħba mill-ġustizzja sakemm kien arrestat fil-Brażil f'Marzu 2007,

D.

billi Cesare Battisti għamel rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Italja, u billi dak ir-rikors kien iddikjarat inammissibbli f'Diċembru 2006,

E.

billi fis-17 ta' Jannar 2009 Cesare Battisti kien iddikjarat refuġjat politiku mill-Gvern Brażiljan, u billi l-estradizzjoni tiegħu ġiet miċħuda għar-raġunijiet li s-sistema tal-ġustizzja Taljana tonqos li tagħti biżżejjed garanziji fir-rigward tad-drittijiet tal-priġunieri,

F.

billi l-għoti ta' stejtus ta' refuġjat politiku għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali,

G.

billi din id-deċiżjoni tista' tiġi interpretata bħala sinjal ta' nuqqas ta' fiduċja lejn l-Unjoni Ewropea, li, fost l-oħrajn, hija msejsa fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, li jinkludu d-drittijiet tal-priġunieri, u billi dawn il-prinċipji huma komuni bejn l-Istati Membri kollha,

H.

billi r-rabtiet ekonomiċi, politiċi u ta' kummerċ bejn il-Brażil u l-Unjoni Ewropea huma eċċellenti, qegħdin jikbru u huma msejsa, fost l-oħrajn, fuq prinċipji komuni bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,

I.

billi, bl-appoġġ sħiħ tal-Istati Membri kollha tal-UE, il-Brażil qed jieħu rwol ewlieni fil-livell internazzjonali, u billi l-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħa tal-G-20 f'Washington f'Novembru 2008 u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-ġejjieni f'dawn il-laqgħat huma sinjal ta' din ir-responsabilità li dejjem qiegħda tikber fuq livell internazzjonali,

1.

Jinnota li l-proċedimenti legali għadhom għaddejjin u li għad trid tittieħed deċiżjoni aħħarija mill-awtoritajiet Brażiljani fil-ġimgħat li ġejjin;

2.

Jinsab fiduċjuż li l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni dwar l-estradizzjoni tas-Sur Battisti se tqis is-sentenza mogħtija minn Stat Membru tal-UE fir-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea;

3.

Jesprimi t-tama tiegħu li, fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-awtoritajiet Brażiljani se jilħqu deċiżjoni bbażata fuq prinċipji komuni li l-Brażil u l-Unjoni Ewropea jikkondividu;

4.

Jirrimarka li l-isħubija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federali tal-Brażil hija bbażata fuq il-fehim reċiproku li ż-żewġ partijiet jiddefendu l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt ta' difiża u d-dritt għal proċeduri ġudizzjarji ġusti u ekwi;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Brażiljan, lill-President tar-Repubblika Federali tal-Brażil, lill-President tal-Kungress Brażiljan u l-President tal-Parlament tal-Mercosur.


II Informazzjoni

Parlament Ewropew

It-Tlieta, 3 ta' Frar 2009

18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/148


It-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Miloslav Ransdorf

P6_TA(2009)0035

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Miloslav Ransdorf (2008/2176(IMM))

(2010/C 67 E/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Miloslav Ransdorf, mibgħuta mill-awtorità kompetenti tar-Repubblika Ċeka fis-16 ta' Ġunju 2008, u mħabbra fis-seduta plenarja fid-9 ta' Lulju 2008,

wara li sema' lil Miloslav Ransdorf skont l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 10 tal-Protokoll tat-8 ta' April 1965 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, u l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew permezz ta' vot dirett universali,

wara li kkunsidra s-sentenzi tat-12 ta' Mejju 1964 u tal-10 ta' Lulju 1986 (1) tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej,

wara li kkunsidra l-Artikolu 27(4) tal-Kostituzzjoni Ċeka,

wara li kkunsidra l-Artikoli 6(2) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0008/2009),

A.

billi Miroslav Ransdorf huwa Membru tal-Parlament Ewropew li kien elett fis-Sitt elezzjoni diretta tal-10 sat-13 ta' Ġunju 2004 u billi l-kredenzjali tiegħu kienu vverifikati mill-Parlament fl-14 ta' Diċembru 2004 (2),

B.

billi, skont l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' April 1965, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Membri tiegħu igawdu mill-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom fit-territorju tal-Istat tagħhom stess; billi l-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fit-twettiq tar-reat; u billi dan ma jwaqqafx lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta' wieħed mill-Membri tiegħu,

C.

billi, skont l-Artikolu 27(4) tal-Kostituzzjoni Ċeka, l-ebda Membru tal-Parlament jew Senatur ma jista' jkun suġġett għal proċeduri kriminali mingħajr il-kunsens tal-kamra li hu jew hi membru tagħha u, jekk il-kamra rispettiva tirrifjuta li tagħti l-kunsens tagħha, il-prosekuzzjoni kriminali għandha tiġi eskluża għal dejjem,

1.

Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Miloslav Ransdorf;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, u r-rapport tal-kumitat responsabbli, immedjatament lill-awtoritajiet xierqa tar-Repubblika Ċeka.


(1)  Kawża 101/63 Wagner v Fohrmann and Krier [1964] Ġabra 383 u Kawża 149/85 Wybot v Faure and others [1986] Ġabra 2391.

(2)  ĠU C 226 E, 15.9.2005, p. 51.


III Atti preparatorji

Parlament Ewropew

It-Tlieta, 3 ta' Frar 2009

18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/149


Ftehim KE/l-Istati Uniti għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika *

P6_TA(2009)0032

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-estensjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika (COM(2008)0581 – C6-0392/2008 – 2008/0184(CNS))

(2010/C 67 E/21)

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2008)0581),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 170 u 300(2), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0392/2008),

wara li kkunsidra l-Artikoli 51, 83(7) u 43(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0006/2009),

1.

Japprova l-estensjoni tal-Ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Istati Uniti tal-Amerika.


(1)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/150


It-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn il-KE u r-Russja *

P6_TA(2009)0033

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonċerna l-Konklużjoni ta' Ftehim immirat lejn it-tiġdid tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa (COM(2008)0728 – C6-0456/2008 – 2008/0209(CNS))

(2010/C 67 E/22)

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2008)0728),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (1),

wara li kkunsidra l-Artikoli 170 u 300(2), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0456/2008),

wara li kkunsidra l-Artikoli 51, 83(7) u 43(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0005/2009),

1.

Japprova l-konklużjoni tal-ftehim;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa.


(1)  ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1.


L-Erbgħa, 4 ta' Frar 2009

18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/151


Sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali ***I

P6_TA(2009)0043

Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali (COM(2007)0249 – C6-0143/2007 – 2007/0094(COD))

(2010/C 67 E/23)

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Din il-proposta giet emendata fl-4 ta' Frar 2009 (1) u kienet approvata fid-19 ta' Frar 2009 kif emendata (2):


(1)  Il-każ kien riferut lura lill-kumitat skond l-Artikolu 51(2) moqri flimkien mal-Artikolu 168(2) (A6-0026/2009).

(2)  Testi adottati, P6_TA(2009)0069.


P6_TC1-COD(2007)0094

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-19 ta' Frar 2009 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi standards minimi dwar sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, id-Direttiva 2009/52/KE.)


Il-Ħamis, 5 ta' Frar 2009

18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/152


Azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi *

P6_TA(2009)0046

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar ir-Regolament (KE) Nru 3/2008 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u promozzjoni għall-prodotti agrikoli fis-suq intern u fil-pajjiżi terzi (COM(2008)0431 – C6-0313/2008 – 2008/0131(CNS))

(2010/C 67 E/24)

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2008)0431),

wara li kkunsidra l-Artikoli 36 u 37 tat-Trattat KE, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0313/2008),

wara li ikkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0004/2009),

1.

Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.

Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.

Jitlob lill-Kunsill sabiex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.   Fin-nuqqas ta' programmi li għandhom jiġu attwati fis-suq intern, għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta' informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(b), imressqa skond l-Artikolu 6(1), kull Stat Membru interessat għandu jħejji, abbażi tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 5(1), programm u l-ispeċifikazzjoni tiegħu, u jagħżel permezz ta' sejħa pubblika għall-offerti l-korp inkarigat mit-twettiq tal-programm li jkun qiegħed jimpenja ruħu għall-kofinanzjament tiegħu.

1.   Fin-nuqqas ta' programmi li għandhom jiġu attwati fis-suq intern, għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta' informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(b), imressqa skont l-Artikolu 6(1), kull Stat Membru interessat, wara li jkun evalwa l-ħtieġa għal dawn il-programmi u l-perspettivi tagħhom f'dak jew dawk l-Istati Membri u wara li jkun ikkonsulta l-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet professjonali attivi fis-settur ikkonċernat, għandu jħejji, abbażi tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 5(1), wara evalwazzjoni rigward il-bżonn u rigward jekk ikunx xieraq li jkun hemm- dawk il-programmi fl-Istati Membri kkonċernati, u fuq il-bażi ta' konsultazzjonijiet mal-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet kummerċjali li joperaw fis-settur ikkonċernat, programm u l-ispeċifikazzjoni tiegħu, u jagħżel permezz ta' sejħa pubblika għall-offerti l-korp inkarigat mit-twettiq tal-programm li jkun qiegħed jimpenja ruħu għall-kofinanzjament tiegħu.

2.   Fin-nuqqas ta' programmi li għandhom jiġu attwati f'pajjiżi terzi, għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta' informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (c), imressqa skond l-Artikolu 6(1), kull Stat Membru għandu jħejji, abbażi tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 5(2), programm u l-ispeċifikazzjoni tiegħu, u jagħżel permezz ta' sejħa pubblika għall-offerti l-korp inkarigat mit-twettiq tal-programm li jimpenja ruħu għall-kofinanzjament tiegħu.

2.   Fin-nuqqas ta' programmi li għandhom jiġu attwati f'pajjiżi terzi, għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta' informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(a), (b) u (c), imressqa skont l-Artikolu 6(1), kull Stat Membru interessat, wara li jkun evalwa l-ħtieġa għal dawn il-programmi u l-perspettivi tagħhom f'dak jew dawk l-Istati Membri u wara li jkun ikkonsulta l-assoċjazzjonijiet jew l-organizzazzjonijiet professjonali attivi fis-settur ikkonċernat, għandu jħejji, abbażi tal-linji gwida msemmija fl-Artikolu 5(2), wara evalwazzjoni rigward il-bżonn u rigward jekk ikunx xieraq li jkun hemm dawk il-programmi fl-Istati Membri kkonċernati, u fuq il-bażi ta' konsultazzjonijiet mal-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet kummerċjali li joperaw fis-settur ikkonċernat, programm u l-ispeċifikazzjoni tiegħu, u jagħżel permezz ta' sejħa pubblika għall-offerti l-korp inkarigat mit-twettiq tal-programm li jkun qiegħed jimpenja ruħu għall-kofinanzjament tiegħu.

Il-korp inkarigat mit-twettiq tal-programm li jkun eventwalment intagħżel mill-Istat(i) Membru/i konċernat(i) jista' jkun organizzazzjoni internazzjonali, speċjalment meta l-programm ikollu x'jaqsam mal-promozzjoni tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa jew dak taż-żebbuġ ta' l-ikel f'pajjiżi terzi.

Il-korp inkarigat mit-twettiq tal-programm li jkun eventwalment intagħżel mill-Istat(i) Membru/i konċernat(i) jista' jkun organizzazzjoni internazzjonali, speċjalment meta l-programm ikun dwar il-promozzjoni tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa jew dak taż-żebbuġ ta' l-ikel, jew tal-inbejjed b'indikazzjoni ta' oriġini protetta u b'indikazzjoni ġeografika protetta f'pajjiżi terzi.

(c)

il-valutazzjoni tal- valur għall-flus tal-programm;

(c)

il-valutazzjoni tal-effikaċja meta mqabbla mal-ispejjeż mal- tal-programm;

Artikolu 1a

L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 3/2008 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“2.    Is-sehem finanzjarju tal-Komunità fil-programmi magħżula msemmija fl-Artikoli 8 u 9 ma għandux jeċċedi s-60% tal-ispiża reali tal-programmi. Fil-każ ta' programmi ta' informazzjoni u promozzjoni ta' tul ta' sentejn jew tliet snin, is-sehem għal kull sena ta' twettiq ma għandux jaqbeż dan il-livell massimu.

Il-perċentwali msemmija fl-ewwel subparagrafu hija ta' 70% għall-azzjonijiet ta' promozzjoni tal-frott u l-ħaxix maħsuba speċifikament għat-tfal fl-iskejjel tal- Komunita'.”


18.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 67/155


It-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf ***I

P6_TA(2009)0050

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf (COM(2008)0124 – C6-0128/2008 – 2008/0050(COD))

(2010/C 67 E/25)

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0124),

wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), l-Artikolu 37 kif ukoll l-Artikolu 152(4)(b) tat-Trattat tal-KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0128/2008),

wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0407/2008),

1.

Japprova l-proposta mill-Kummissjoni kif emendata;

2.

Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' dan;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni biex għal darb'oħra tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk fi ħsiebha temenda l-proposta tagħha b'mod sostanzjali jew tibdilha b'test ieħor;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


P6_TC1-COD(2008)0050

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Frar 2009 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru .../2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta' għalf, li temenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 u li tirrifjuta d-Direttivi 79/373/KEE, 80/511/KEE, 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni 2004/217/KE

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, ir-Regolament (KE) Nru .../2009.)


ANNESS

Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar:

1.   Ir-Reviżjoni tal-Anness IV:

“Sabiex l-Anness IV (dwar it-tolleranzi għat-tikkettar tal-kompożizzjoni ta' materjali tal-għalf u għalf kompost), previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament, jiġi adottat għall-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku, il-Kummissjoni u s-servizzi tagħha għandhom il-ħsieb li jevalwaw l-Anness IV msemmi. F'dan il-kuntest il-Kummissjoni se tqis ukoll ċerti materjali tal-għalf b'kontenut ta' umdità ta' aktar minn 50%.”

2.   L-ittikkettar tal-addittivi:

“Il-Kummissjoni se tistudja jekk il-prinċipji tal-informazzjoni permezz tal-ittikkettar tal-għalf jistgħux japplikaw ukoll għall-addittivi u għat-taħlitiet imħejjija minn qabel awtorizzati skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 dwar addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali.”

3.   Interpretazzjoni ta' “kwalunkwe motivi ta' urġenza rrelatati mas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u mal-ambjent”, kif indirizzat mill-Premessa 21, Artikolu 5 u Artikolu 17

“Il-Kummissjoni tifhem li ‘kwalunkwe motivi ta' urġenza rrelatati mas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u mal-ambjent’ jistgħu jinkludu motivi ta' urġenza li jirriżultaw, fost l-oħrajn, min-negliġenza, frodi intenzjonati u atti kriminali.”